ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 080I |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 62 |
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
DEĊIŻJONIJIET
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 80/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/476
meħuda bi qbil mar-Renju Unit,
tat-22 ta' Marzu 2019
li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 50(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) f'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li japplika għall-Euratom bis-saħħa tal-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. |
(2) |
Fit-22 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju Unit għal ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, li jieħu kont tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni. |
(3) |
In-negozjati saru fid-dawl tal-Linji Gwida tad-29 ta' April u l-15 ta' Diċembru 2017 u tat-23 ta' Marzu 2018 ipprovduti mill-Kunsill Ewropew bl-objettiv ġenerali li jiġi żgurat ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom. |
(4) |
Fl-14 ta' Novembru 2018, il-President tal-Kummissjoni Ewropea bagħat lill-President tal-Kunsill Ewropew l-abbozz ta' Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), li għalih il-gvern tar-Renju Unit kien ta l-approvazzjoni tiegħu. Fit-22 ta' Novembru 2018, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ppreżenta lill-President tal-Kunsill Ewropew l-abbozz ta' Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq (id-“Dikjarazzjoni Politika”), maqbula fil-livell tan-negozjaturi u maqbula fil-prinċipju fil-livell politiku, soġġett għall-approvazzjoni tal-Mexxejja. |
(5) |
Fil-25 ta' Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ u approva d-Dikjarazzjoni Politika. |
(6) |
Fil-11 ta' Marzu 2019, il-President tal-Kummissjoni Ewropea bagħat lill-President tal-Kunsill Ewropew l-Istrument relatat mal-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Konġunta li tissupplimenta d-Dikjarazzjoni Politika, maqbula bejn il-Prim Ministru May u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker u approvati mill-Kummissjoni Ewropea fl-istess jum. Fil-21 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew approva ż-żewġ dokumenti. |
(7) |
Skont l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat li ħiereġ mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-Istat Membru kkonċernat, ma jiddeċidix unanimament li jestendi dan il-perijodu. |
(8) |
Permezz tal-ittra tal-20 ta' Marzu 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sat-30 ta' Ġunju 2019, bil-ħsieb li jiffinalizza r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
(9) |
Fil-21 ta' Marzu 2019, il-Kunsill Ewropew qabel li ssir estensjoni sat-22 ta' Mejju 2019, dment li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi approvat mill-House of Commons il-ġimgħa ta' wara. Jekk dan ma jseħħx, il-Kunsill Ewropew qabel li ssir estensjoni sat-12 ta' April 2019 u indika li qed jistenna li r-Renju Unit jindika t-triq 'il quddiem qabel it-12 ta' April 2019 għall-kunsiderazzjoni tiegħu. |
(10) |
Din l-estensjoni ser ikollha l-konsegwenza li r-Renju Unit jibqa' Stat Membru bid-drittijiet u l-obbligi kollha stabbiliti fit-Trattati u taħt id-dritt tal-Unjoni. Jekk ir-Renju Unit ikun għadu Stat Membru fit-23-26 ta' Mejju 2019, ikollu l-obbligu li jorganizza l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f'konformità mad-dritt tal-Unjoni. Għandu jiġi nnotat li r-Renju Unit ikollu jagħti l-avviż għall-elezzjonijiet sat-12 ta' April 2019 sabiex jorganizza tali elezzjonijiet. |
(11) |
Tali estensjoni teskludi kwalunkwe ftuħ mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kwalunkwe impenn, dikjarazzjoni jew att ieħor unilaterali mir-Renju Unit jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-kelma u l-ispirtu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. |
(12) |
Kif previst fl-Artikolu 50(4) TUE, ir-Renju Unit ma ħax sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew li jikkonċernaw din id-Deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha. Madankollu, kif stipulat fl-ittra tat-22 ta' Marzu 2019 mir-Rappreżentant Permanenti tar-Renju Unit għall-Unjoni Ewropea, Sir Tim Barrow, ir-Renju Unit qabel, f'konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, mal-estensjoni tal-perijodu msemmi f'dak l-Artikolu u ma' din id-Deċiżjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fil-każ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ jiġi approvat mill-House of Commons sa mhux aktar tard mid-29 ta' Marzu 2019, il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE jiġi estiż sat-22 ta' Mejju 2019.
Fil-każ li l-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix approvat mill-House of Commons sa mhux aktar tard mid-29 ta' Marzu 2019, il-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE jiġi estiż sat-12 ta' April 2019. F'dak il-każ, ir-Renju Unit jindika t-triq 'il quddiem qabel it-12 ta' April 2019, għall-kunsiderazzjoni mill-Kunsill Ewropew.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Marzu 2019.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
D. TUSK