ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 079I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
21 ta' Marzu 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

21.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 79/1


REGOLAMENT (UE) 2019/452 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f'konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-investiment dirett barrani jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku tal-Unjoni billi jtejjeb il-kompetittività tagħha, joħloq l-impjiegi u l-ekonomiji ta' skala, iġib il-kapital, it-teknoloġiji, l-innovazzjoni, l-għarfien espert, u billi jiftaħ swieq ġodda għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni. Jappoġġa l-objettivi tal- Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u jikkontribwixxi għal proġetti u programmi oħra tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jispeċifika li l-Unjoni, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, għandha ssostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha. Barra minn hekk, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ambjent ta' investiment miftuħ, li huwa minqux fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u inkorporat fl-impenji internazzjonali tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-investiment dirett barrani.

(3)

Skont l-impenji internazzjonali mwettqa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fl-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi ma' pajjiżi terzi, huwa possibbli għall-Unjoni u l-Istati Membri li jadottaw miżuri restrittivi relatati mal-investiment dirett barrani għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku, soġġett għal ċerti rekwiżiti. Il-qafas stabbilit minn dan ir-Regolament jirrelata mal-investiment dirett minn barra fl-Unjoni. L-investiment 'il barra u l-aċċess għal swieq ta' pajjiżi terzi huma ttrattati taħt strumenti oħra tal-politika dwar il-kummerċ u l-investiment.

(4)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jidderogaw mill-moviment liberu tal-kapital kif previst fil-punt (b) tal-Artikolu 65(1) TFUE. Diversi Stati Membri daħħlu fis-seħħ miżuri li taħthom jistgħu jirrestrinġu tali moviment għar-raġunijiet ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika. Dawk il-miżuri jirriflettu l-objettivi u t-tħassib tal-Istati Membri fir-rigward tal-investiment dirett barrani, u jistgħu jirriżultaw f'għadd ta' mekkaniżmi li jkunu differenti f'termini ta' ambitu u proċedura. L-Istati Membri li jridu jdaħħlu fis-seħħ tali mekkaniżmi fil-futur jistgħu jieħdu kont tal-funzjonament, l-esperjenzi u l-aħjar prattiki tal-mekkaniżmi eżistenti.

(5)

Bħalissa ma hemm l-ebda qafas komprensiv fil-livell tal-Unjoni għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin għar-raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku, filwaqt li s-sħab kummerċjali maġġuri tal-Unjoni diġà żviluppaw tali oqfsa.

(6)

L-investiment dirett barrani jaqa' fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. F'konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 3(1) TFUE, l- Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni.

(7)

Huwa importanti li tingħata ċertezza legali lill-mekkaniżmi ta' skrinjar tal-Istati Membri għar-raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku, u li jiġu żgurati koordinazzjoni u kooperazzjoni madwar l-Unjoni għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwa s-sigurtà u l-ordni pubbliku. Dak il-qafas komuni huwa mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà esklużiva tal-Istati Membri għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali tagħhom, kif previst fl-Artikolu 4(2) TUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tagħhom f'konformità mal-Artikolu 346 TFUE.

(8)

Jenħtieġ li l-qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin u għall-kooperazzjoni jipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bil-mezzi biex jindirizzaw ir-riskji għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku b'mod komprensiv, u biex jadattaw għal ċirkostanzi li qed jinbidlu, filwaqt li jżommu l-flessibbiltà meħtieġa biex l-Istati Membri jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin għar-raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku filwaqt li jieħdu kont tas-sitwazzjonijiet individwali u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali tagħhom. Id-deċiżjoni dwar jekk jiġix stabbilit mekkaniżmu ta' skrinjar jew li jiġi skrinjat investiment dirett barranin partikolari tibqa' r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat.

(9)

Jenħtieġ li tiġi koperta minn dan ir-Regolament firxa wiesgħa ta' investimenti li jistabbilixxu jew iżommu rabtiet dejjiema u diretti bejn investituri minn pajjiżi terzi inklużi entitajiet tal-Istat, u impriżi li jwettqu attività ekonomika fi Stat Membru. Dan, madankollu, ma għandux ikopri investimenti ta' portafoll.

(10)

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għandhom stabbilit mekkaniżmu ta' skrinjar jipprovdu għall-miżuri meħtieġa, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jipprevjenu l-evażjoni mill-mekkaniżmi ta' skrinjar u d-deċiżjonijiet ta' skrinjar tagħhom. Jenħtieġ li dan ikopri investimenti minn ġewwa l-Unjoni permezz ta' arranġamenti artifiċjali li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika u jevadu l-mekkaniżmi ta' skrinjar u d-deċiżjonijiet ta' skrinjar, fejn l-investitur fl-aħħar mill-aħħar ikun il-proprjetà ta', jew ikkontrollat minn, persuna fiżika jew impriża ta' pajjiż terz. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-libertà ta' stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital minquxa fit-TFUE.

(11)

Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jivvalutaw ir-riskji għas-sigurtà jew l-ordni pubbliku li jirriżultaw minn bidliet sinifikanti għall-istruttura ta' sjieda jew il-karatteristiċi ewlenin ta' investitur barrani.

(12)

Sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiġu ggwidati fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa adatt li tingħata lista ta' fatturi li jistgħu jitqiesu meta jiġi determinat jekk investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Dik il-lista wkoll ittejjeb it-trasparenza tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tal-Istati Membri għall-investituri li jqisu li jagħmlu jew li jkunu għamlu investimenti diretti barranin fl-Unjoni. Jenħtieġ li l-lista ta' fatturi li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tibqa' waħda mhux eżawrjenti.

(13)

Biex jiddeterminaw jekk investiment dirett barrani jistax jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri u l-Kummissjoni li jqisu l-fatturi rilevanti kollha, inklużi l-effetti fuq l-infrastruttura essenzjali, it-teknoloġiji, inklużi t-teknoloġiji abilitanti essenzjali, u inputs li huma essenzjali għas-sigurtà jew għaż-żamma tal-ordni pubbliku, u t-tfixkil, in-nuqqas, it-telf jew il-qerda tagħhom li jkollhom impatt sinifikanti fi Stat Membru jew fl-Unjoni. F'dak ir-rigward, jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għall-Istati Membri u l-Kummissjoni li jieħdu kont tal-kuntest u ċ-ċirkostanzi tal-investiment dirett barrani, b'mod partikolari jekk investitur barrani jkunx ikkontrollat direttament jew indirettament, pereżempju permezz ta' finanzjament sinifikanti, inklużi sussidji, mill-gvern ta' pajjiż terz jew ikunx qed iwettaq proġetti jew programmi barra l-pajjiż immexxija mill-Istat.

(14)

L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif adatt, jistgħu jqisu informazzjoni rilevanti riċevuta minn operaturi ekonomiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jew sħab soċjali bħal trade unions, relattivament għal investiment dirett barrani li x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku.

(15)

Huwa adatt li jiġu stabbiliti l-elementi essenzjali tal-qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin minn Stat Membru biex l-investituri, il-Kummissjoni u Stati Membri oħra jkunu jistgħu jifhmu kif x'aktarx jiġu skrinjati tali investimenti. Dawk l-elementi jenħtieġ li mill-inqas jinkludu skedi ta' żmien għall-iskrinjar u l-possibbiltà għal investituri barranin li jkollhom rikors kontra deċiżjonijiet ta' skrinjar. Ir-regoli u l-proċeduri relatati ma' mekkaniżmi ta' skrinjar jenħtieġ li jkunu trasparenti u jenħtieġ li ma jiddiskriminawx bejn pajjiżi terzi.

(16)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jippermetti li Stati Membri jikkooperaw u jassistu lil xulxin fejn investiment dirett barrani fi Stat Membru wieħed ikun jista' jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stati Membri oħra. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu kummenti lil Stat Membru li fih ikun ippjanat jew tlesta tali investiment, irrispettivament minn jekk dak l-Istat Membru għandux stabbilit mekkaniżmu ta' skrinjar, jew jekk tali investiment huwiex jiġi skrinjat. It-talbiet għal informazzjoni, tweġibiet u kummenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jintbagħtu wkoll lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni, fejn adatt, li toħroġ opinjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE lill-Istat Membru li fih ikun ippjanat jew tlesta l-investiment. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għal Stat Membru li jitolb li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni jew li Stati Membri oħrajn jagħtu kummenti dwar investiment dirett barrani li jsir fit-territorju tiegħu.

(17)

Meta Stat Membru jirċievi kummenti minn Stati Membri oħrajn jew opinjoni mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jqis kif dovut tali kummenti jew opinjoni permezz ta', fejn adatt, miżuri disponibbli taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, jew fit-tfassil ta' politika aktar ġenerali tiegħu, skont id-dmir tiegħu ta' kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

Id-deċiżjoni finali relattivament għal kwalunkwe investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat jew kwalunkwe miżura li tittieħed relattivament għal investiment dirett barrani li mhuwiex qed jiġi skrinjat tibqa' r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani.

(18)

Il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni jenħtieġ li jintuża biss għall-fini ta' protezzjoni tas-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġġustifikaw debitament kwalunkwe talba għal informazzjoni dwar investiment dirett barrani speċifiku fi Stat Membru ieħor, kif ukoll kwalunkwe kumment li huma jistgħu jindirizzaw lil dak l-Istat Membru. L-istess rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw meta l-Kummissjoni titlob informazzjoni dwar investiment dirett barrani partikolari jew toħroġ opinjoni lil Stat Membru. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti hija importanti wkoll f'sitwazzjonijiet fejn investitur ta' Stat Membru jikkompeti ma' investituri ta' pajjiżi terzi għat-twettiq ta' investiment fi Stat Membru ieħor bħal xi akkwist ta' assi.

(19)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Kummissjoni li tagħti opinjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE fir-rigward ta' investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni għar-raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku. Dan iservi ta' għodda għall-Kummissjoni biex tipproteġi proġetti u programmi li jservu l-Unjoni kollha kemm hi u jirrappreżenta kontribut importanti għat-tkabbir ekonomiku, għall-impjiegi u għall-kompetittività tagħha. Jenħtieġ li dan jinkludi b'mod partikolari proġetti u programmi li jinvolvu finanzjament sostanzjali tal-Unjoni jew stabbiliti mid- dritt tal-Unjoni fir-rigward ta' infrastruttura essenzjali, teknoloġiji essenzjali jew inputs essenzjali. Dawk il-proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni jenħtieġ li jkunu elenkati f'dan ir-Regolament. Jenħtieġ li opinjoni li tintbagħat lil Stat Membru tiġi wkoll ikkomunikata simultanjament lill-Istati Membri l-oħra.

L-Istat Membru jenħtieġ li jieħu kont bir-reqqa tal-opinjoni riċevuta mill-Kummissjoni permezz ta', fejn adatt, miżuri disponibbli taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, jew fit-tfassil ta' politika aktar ġenerali tiegħu, u jagħti spjegazzjoni lill-Kummissjoni jekk ma jsegwix dik l-opinjoni, skont id-dmir tiegħu ta' kooperazzjoni sinċiera taħt l-Artikolu 4(3) TUE. Id-deċiżjoni finali relattivament għal kwalunkwe investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat jew kwalunkwe miżura li tittieħed relattivament għal investiment dirett barrani li mhuwiex qed jiġi skrinjat tibqa' r-responsabbiltà esklużiva tal-Istat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani.

(20)

Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi relatati ma' proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni, is-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tiġi emendata l-lista ta' proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni li tinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom b'mod sistematiku jkollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta' esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(21)

Sabiex tingħata aktar ċertezza għall-investituri, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu kummenti u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li toħroġ opinjoni relattivament għal investimenti li tlestew li mhumiex qed jiġu skrinjati għal perijodu limitat għal 15-il xahar wara t-tlestija tal-investiment dirett barrani. Il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni jenħtieġ li ma japplikax għal investimenti diretti barranin li tlestew qabel l-10 ta' April 2019.

(22)

L-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw il-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom u kwalunkwe emenda tagħhom lill-Kummissjoni, u jenħtieġ li jirrappurtaw dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom fuq bażi annwali, inkluż dwar deċiżjonijiet li jippermettu jew jipprojbixxu investimenti diretti barranin jew jagħmlu l-investimenti diretti barranin soġġetti għal kondizzjonijiet jew miżuri ta' mitigazzjoni u d-deċiżjonijiet dwar investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni. L-Istati Membri kollha jenħtieġ li jirrappurtaw dwar l-investimenti diretti barranin li saru fit-territorju tagħhom, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom. Sabiex jittejbu l-kwalità u l-komparabbiltà ta' informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri kif ukoll biex tiġi faċilitata l-konformità mal-obbligi ta' notifika u rappurtar, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi formoli standardizzati, filwaqt li tqis, fost l-oħrajn, formoli rilevanti applikati għall-fini ta' rappurtar lill-Eurostat, fejn adatt.

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, huwa importanti wkoll li jiġi żgurat livell minimu ta' informazzjoni u koordinazzjoni fir-rigward ta' investimenti diretti barranin li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri kollha. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli mill-Istati Membri għal investimenti diretti barranin li jkunu qed jiġu skrinjat kif ukoll, fuq talba, għal investiment dirett barrani ieħor. L-informazzjoni rilevanti jenħtieġ li tinkludi aspetti bħall-istruttura ta' sjieda tal-investitur barrani u l-finanzjament tal-investiment ippjanat jew li tlesta, inkluża, meta disponibbli, informazzjoni dwar sussidji mogħtija minn pajjiżi terzi. L-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu jagħtu informazzjoni preċiża, komprensiva u affidabbli.

(24)

Fuq talba minn Stat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta investiment dirett barrani, l-investitur barrani jew l-impriża kkonċernata jenħtieġ li jagħtu l-informazzjoni mitluba. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta, minkejja l-aqwa sforzi tiegħu, Stat Membru ma jkunx jista' jikseb tali informazzjoni, jenħtieġ li jinnotifika lill-Istati Membri kkonċernati jew lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. F'tali każ, jenħtieġ li jkun possibbli li kwalunkwe kumment maħruġ minn Stat Membru ieħor jew kwalunkwe opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni jkunu abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom.

(25)

Meta jagħmlu disponibbli l-informazzjoni mitluba, l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali li tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.

(26)

Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell tal-Istat Membru u tal-Unjoni jenħtieġ li jissaħħu billi jiġi stabbilit punt ta' kuntatt, għall- implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, f'kull Stat Membru u fil-Kummissjoni.

(27)

Il-punti ta' kuntatt stabbiliti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'mod adatt fl-amministrazzjoni rispettiva, u jenħtieġ li jkollhom il-persunal kwalifikat u s-setgħat meħtieġa biex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom taħt il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u biex jiżguraw it-trattament tajjeb ta' informazzjoni kunfidenzjali.

(28)

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki komprensivi u effettivi jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni dwar l-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea, stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 (5), magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Dak il-grupp jenħtieġ li jiddiskuti, b'mod partikolari, kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin, jikkondividi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda u jiskambja fehmiet dwar xejriet u kwistjonijiet ta' tħassib komuni relatati mal-investimenti diretti barranin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkunsidra titlob il-parir tal-grupp dwar kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta lill-grupp ta' esperti dwar abbozzi ta' atti delegati f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

(29)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu inkoraġġuti jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli ta' pajjiżi terzi li huma tal-istess fehma dwar kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Tali kooperazzjoni amministrattiva jenħtieġ li jkollha l-għan li ssaħħaħ l-effikaċja tal-qafas għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin mill-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkun ukoll possibbli għall-Kummissjoni li timmonitorja l-iżviluppi fir-rigward tal-mekkaniżmi ta' skrinjar f'pajjiżi terzi.

(30)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw il-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali f'konformità ma', b'mod partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (7) u l-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea (8). Dan jinkludi, b'mod partikolari, l-obbligu li ma jkunx hemm tnaqqis fil-grad jew id-deklassifikazzjoni ta' informazzjoni klassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur (9). Kwalunkwe informazzjoni sensittiva li mhijiex klassifikata jew informazzjoni li tingħata fuq bażi kunfidenzjali jenħtieġ li tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

(31)

Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun f'konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali. L-ipproċessar ta' data personali mill-punti ta' kuntatt u entitajiet oħra fl-Istati Membri jenħtieġ li jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). L-ipproċessar ta' data personali mill-Kummissjoni jenħtieġ li jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(32)

Abbażi ta', fost l-oħrajn, ir-rapporti annwali ppreżentati mill-Istati Membri kollha, u bir-rispett dovut għan-natura kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni inkluża f'dawk ir-rapporti, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfassal rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Għal aktar trasparenza, ir-rapport jenħtieġ li jsir pubbliku.

(33)

Il-Parlament Ewropew jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa tal-kumitat tiegħu li jkun reponsabbli biex jippreżenta u jispjega kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(34)

Sat-12 ta' Ottubru 2023 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tevalwa l-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni ta' jekk dan ir-Regolament jeħtieġ emenda jew le. Fejn ir-rapport jipproponi l-emendar ta' dan ir-Regolament, huwa jista' jiġi akkumpanjat minn proposta leġislattiva.

(35)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li tkun f'konformità mar-rekwiżiti rilevanti għall-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi għal raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku fil-ftehimiet tad-WTO, inkluż, b'mod partikolari, l-Artikolu XIV(a) u l-Artikolu XIV bis tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (12) (GATS). Jenħtieġ li din tkun f'konformità wkoll mad-dritt tal-Unjoni u tkun konsistenti mal-impenji meħuda taħt ftehimiet kummerċjali u ta' investiment oħra li għalihom ikunu Partijiet l-Unjoni jew l-Istati Membri u arranġamenti kummerċjali u ta' investiment li għalihom ikunu aderenti l-Unjoni jew l-Istati Membri.

(36)

Meta investiment dirett barrani jikkostitwixxi konċentrazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (13), jenħtieġ li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004. Jenħtieġ li dan ir-Regolament u l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jiġu applikati b'mod konsistenti. Sa fejn il-kamp ta' applikazzjoni rispettiv ta' dawk iż-żewġ Regolamenti jikkoinċidi, jenħtieġ li r-raġunijiet għall-iskrinjar stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u l-kunċett ta' interessi leġittimi fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jiġu interpretati b'mod koerenti, mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu dawk l-interessi bil-prinċipji ġenerali u dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni.

(37)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax ir-regoli tal-Unjoni għall-valutazzjoni prudenzjali ta' akkwisti ta' ishma kwalifikanti fis-settur finanzjarju, li hija proċedura distinta b'objettiv speċifiku (14).

(38)

Dan ir-Regolament huwa konsistenti ma' proċeduri oħrajn ta' notifika u ta' skrinjar stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni settorjali, u mingħajr preġudizzju għalihom,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar mill-Istati Membri ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni għar-raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku u għal mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, fir-rigward ta' investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. Huwa jinkludi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li toħroġ opinjonijiet dwar tali investimenti.

2.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li kull Stat Membru għandu responsabbiltà esklużiva għas- sigurtà nazzjonali tiegħu, kif previst fl-Artikolu 4(2) TUE, u għad-dritt ta' kull Stat Membru li jipproteġi l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu f'konformità mal-Artikolu 346 TFUE.

3.   Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jillimita d-dritt ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi jekk jiskrinjax investiment dirett barrani partikolari jew le fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“investiment dirett barrani” tfisser investiment ta' kull tip minn investitur barrani li jkollu l-għan li jistabbilixxi jew li jżomm rabtiet dejjiema u diretti bejn l-investitur barrani u l-imprenditur jew l-impriża li lilhom ikun qed isir disponibbli l-kapital sabiex iwettqu attività ekonomika fi Stat Membru, inklużi investimenti li jippermettu parteċipazzjoni effettiva fil-ġestjoni jew fil-kontroll ta' kumpannija li teżerċita attività ekonomika;

(2)

“investitur barrani” tfisser persuna fiżika ta' pajjiż terz jew impriża ta' pajjiż terz, li jkollha l-ħsieb li tagħmel jew li tkun għamlet investiment dirett barrani;

(3)

“skrinjar” tfisser proċedura li tippermetti l-valutazzjoni, l-investigazzjoni, l-awtorizzazzjoni, l-ikkundizzjonar, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment ta' investimenti diretti barranin;

(4)

“mekkaniżmu ta' skrinjar” tfisser strument ta' applikazzjoni ġenerali, bħal liġi jew regolament, u rekwiżiti amministrattivi li jakkumpanjawh, regoli ta' implimentazzjoni jew linji gwida, li jistabbilixxi t-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-valutazzjoni, l-investigazzjoni, l-awtorizzazzjoni, l-ikkundizzjonar, il-projbizzjoni jew ix-xoljiment ta' investimenti diretti barranin għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku;

(5)

“investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat” tfisser investiment dirett barrani li jkun għaddej minn valutazzjoni jew investigazzjoni formali skont mekkaniżmu ta' skrinjar;

(6)

“deċiżjoni ta' skrinjar” tfisser miżura adottata fl-applikazzjoni ta' mekkaniżmu ta' skrinjar;

(7)

“impriża ta' pajjiż terz” tfisser impriża kostitwita jew organizzata b'mod ieħor taħt il-liġijiet ta' pajjiż terz.

Artikolu 3

Mekkaniżmi ta' skrinjar ta' Stati Membri

1.   F'konformità ma' dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jżommu, jemendaw jew jadottaw mekkaniżmi biex jiskrinjaw investimenti diretti barranin fit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku.

2.   Ir-regoli u l-proċeduri relatati ma' mekkaniżmi ta' skrinjar, inklużi skedi ta' żmien rilevanti, għandhom ikunu trasparenti u ma jiddiskriminawx bejn pajjiżi terzi. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-iskrinjar, ir-raġunijiet għall-iskrinjar u r-regoli proċedurali dettaljati applikabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom japplikaw l-iskedi ta' żmien taħt il-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom. Il-mekkaniżmi ta' skrinjar għandhom jippermettu li l-Istati Membri jieħdu kont tal-kummenti ta' Stati Membri oħra msemmija fl-Artikoli 6 u 7 u l-opinjonijiet tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8.

4.   Informazzjoni kunfidenzjali, inkluża informazzjoni sensittiva kummerċjalment, magħmulha disponibbli għall-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar, għandha tkun protetta.

5.   L-investituri u l-impriżi barranin ikkonċernati għandu jkollhom l-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta' skrinjar mill-awtoritajiet nazzjonali.

6.   L-Istati Membri li għandhom stabbilit mekkaniżmu ta' skrinjar għandhom iżommu, jemendaw jew jadottaw il-miżuri neċessarji biex jidentifikaw u jipprevjenu l-evażjoni mill-mekkaniżmi ta' skrinjar u d-deċiżjonijiet ta' skrinjar.

7.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-mekkaniżmi eżistenti ta' skrinjar tagħhom sal-10 ta' Mejju 2019. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe mekkaniżmu ġdid ta' skrinjar adottat jew kull emenda għal mekkaniżmu ta' skrinjar eżistenti fi żmien 30 jum mid-dħul fis-seħħ tal-mekkaniżmu ġdid ta' skrinjar adottat jew ta' kull emenda għal mekkaniżmu ta' skrinjar eżistenti.

8.   Mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi n-notifiki msemmija fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli lista tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha żżomm dik il-lista aġġornata.

Artikolu 4

Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri jew mill-Kummissjoni

1.   Fid-determinazzjoni jekk l-investiment dirett barrani aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jqisu l-effetti potenzjali tiegħu fuq, fost affarijiet oħra:

(a)

infrastruttura essenzjali, kemm fiżika kif ukoll virtwali, inklużi faċilitajiet tal-enerġija, it-trasport, l-ilma, is-saħħa, komunikazzjonijiet, midja, proċessar jew ħażna ta' data, ajruspazjali, difiża, infrastruttura elettorali jew finanzjarja, u faċilitajiet sensittivi, kif ukoll artijiet u proprjetà immobbli, kruċjali għall-użu ta' tali infrastruttura;

(b)

teknoloġiji essenzjali u oġġetti b'użu doppju kif definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (15), inklużi intelliġenza artifiċjali, robotika, semikondutturi, ċibersigurtà, ajruspazjali, difiża, ħażna tal-enerġija, teknoloġiji kwantum u nukleari kif ukoll nanoteknoloġiji u bijoteknoloġiji;

(c)

provvista ta' inputs essenzjali, inklużi l-enerġija jew materja prima, kif ukoll is-sigurtà tal-ikel;

(d)

aċċess għal informazzjoni sensittiva, inkluża data personali, jew il-kapaċità ta' kontroll fuq tali informazzjoni; jew

(e)

il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.

2.   Fid-determinazzjoni jekk investiment dirett barrani aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu wkoll iqisu, b'mod partikolari:

(a)

jekk l-investitur barrani huwiex ikkontrollat direttament jew indirettament mill-gvern, inklużi korpi statali jew forzi armati ta' pajjiż terz, inkluż permezz ta' struttura ta' sjieda jew finanzjament sinifikanti;

(b)

jekk l-investitur barrani jkunx diġà involut f'attivitajiet li jaffettwaw is-sigurtà jew l-ordni pubbliku fi Stat Membru; jew

(c)

jekk hemmx riskju serju li investitur barrani jinvolvi ruħu f'attivitajiet illegali jew kriminali.

Artikolu 5

Rapportar annwali

1.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport annwali li jkopri s-sena kalendarja preċedenti u li jinkludi informazzjoni aggregata dwar l-investimenti diretti barranin li seħħew fit-territorju tagħhom, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom, kif ukoll informazzjoni aggregata dwar it-talbiet riċevuti minn Stati Membri oħra skont l-Artikoli 6(6) u 7(5).

2.   Għal kull perijodu ta' rappurtar, l-Istati Membri li jżommu mekkaniżmi ta' skrinjar għandhom, flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jipprovdu informazzjoni aggregata dwar l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' skrinjar tagħhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jsir pubbliku.

4.   Il-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa tal-kumitat tiegħu responsabbli biex jippreżenta u jispjega kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament.

Artikolu 6

Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni relattivament għal investimenti diretti barranin li jkunu qed jiġu skrinjati

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'kull investiment dirett barrani fit-territorju tagħhom li jkun qed jiġi skrinjat billi jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2) ta' dan ir-Regolament kemm jista' jkun malajr. In-notifika tista' tinkludi lista ta' Stati Membri li s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom huma meqjusa li x'aktarx jiġu affettwati. Bħala parti min-notifika, u fejn applikabbli, l-Istat Membru li jiskrinja għandu jaġixxi biex jindika jekk iqisx li l-investiment dirett barrani li qed jiġi skrinjat x'aktarx li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

2.   Fejn Stat Membru jikkunsidra li investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat fi Stat Membru ieħor x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu, jew ikollu informazzjoni rilevanti għal tali skrinjar, huwa jista' jipprovdi kummenti lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar. L-Istat Membru li jipprovdi kummenti għandu jibgħat dawk il-kummenti lill-Kummissjoni simultanjament.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li ġew ippreżentati kummenti.

3.   Fejn il-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani li jkun qed jiġi skrinjat x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollha informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' dak l-investiment dirett barrani, hija tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru li jkun qed iwettaq l-iskrinjar. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni irrispettivament minn jekk Stati Membri oħra jkunux ipprovdew kummenti. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni fejn ikun ġustifikat, wara li mill-inqas terz tal-Istati Membri jqisu li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li nħarġet opinjoni.

4.   Stat Membru li debitament iqis li investiment dirett barrani fit-territorju tiegħu x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jista' jitlob lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni jew lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu kummenti.

5.   Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 2 u l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu debitament ġustifikati.

6.   Mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandhom jinnotifikaw lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar bl-intenzjoni tagħhom li jipprovdu kummenti skont il-paragrafu 2 jew opinjoni skont il-paragrafu 3. In-notifika tista' tinkludi talba għal informazzjoni addizzjonali mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali għandha tkun debitament iġġustifikata, limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu pprovduti kummenti skont il-paragrafu 2 jew biex tinħareġ opinjoni skont il-paragrafu 3, proporzjonata għall-għan tat-talba u mhux ta' piż żejjed għall-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar. It-talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet ipprovduti mill-Istati Membri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni simultanjament.

7.   Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 2 jew l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu indirizzati lill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar u għandhom jintbagħtu f'perijodu ta' żmien raġonevoli, u f'kull każ mhux iktar tard minn 35 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, jekk intalbet informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 6, tali kummenti jew opinjonijiet għandhom jinħarġu mhux aktar tard minn 20 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali jew in-notifika skont l-Artikolu 9(5).

Minkejja l-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra fejn possibbli fi żmien l-iskadenzi msemmija f'dan il-paragrafu, u f'kull każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem kalendarji wara t-tmiem ta' dawk l-iskadenzi.

8.   F'każ eċċezzjonali fejn l-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar iqis li s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jirrikjedu azzjoni immedjata, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ deċiżjoni ta' skrinjar qabel l-iskedi ta' żmien imsemmija fil-paragrafu 7 u debitament jiġġustifika l-ħtieġa ta' azzjoni immedjata. L-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni għandhom jaġixxu biex jipprovdu kummenti jew biex joħorġu opinjoni mingħajr dewmien.

9.   L-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar għandu jagħti konsiderazzjoni xierqa lill-kummenti tal-Istati Membri l-oħra msemmija fil-paragrafu 2 u lill-opinjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 3. Id-deċiżjoni ta' skrinjar finali għandha tittieħed mill-Istat Membru li jwettaq l-iskrinjar.

10.   Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 11.

Artikolu 7

Mekkaniżmu ta' kooperazzjoni relattivament għal investimenti diretti barranin li mhumiex qed jiġu skrinjati

1.   Fejn Stat Membru jqis li investiment dirett barrani ppjanat jew lest, fi Stat Membru ieħor, li mhuwiex qed jiġi skrinjat f'dak l-Istat Membru, x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu, jew ikollu informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' dak l-investiment dirett barrani, huwa jista' jipprovdi kummenti lil dak l-Istat Membru l-ieħor. L-Istat Membru li jipprovdi kummenti għandu jibgħat dawk il-kummenti lill-Kummissjoni simultanjament.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li ġew ipprovduti kummenti.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani, li ġie ppjanat jew tlesta fi Stat Membru, li mhuwiex qed jiġi skrinjat f'dak l-Istat Membru, x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku f'aktar minn Stat Membru wieħed, jew ikollha informazzjoni rilevanti relattivament għal dak l-investiment dirett barrani, hija tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru li fih ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni irrispettivament minn jekk Stati Membri oħra jkunux ipprovdew kummenti. Il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni sussegwentement għal kummenti minn Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni għandha toħroġ tali opinjoni fejn ikun ġustifikat, wara li mill-inqas terz tal-Istati Membri jqisu li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħhom.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri l-oħra li nħarġet opinjoni.

3.   Stat Membru li debitament iqis li investiment dirett barrani fit-territorju tiegħu x'aktarx li jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tiegħu jista' jitlob lill-Kummissjoni toħroġ opinjoni jew lill-Istati Membri l-oħra jipprovdu kummenti.

4.   Il-kummenti msemmija fil-paragrafu 1 u l-opinjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu debitament iġġustifikati.

5.   Fejn xi Stat Membru jew il-Kummissjoni jikkunsidraw li investiment dirett barrani li mhuwiex qed jiġi skrinjat x'aktarx jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2, huma jistgħu jitolbu, mill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

Kwalunkwe talba għal informazzjoni għandha tkun debitament iġġustifikata, limitata għall-informazzjoni meħtieġa biex jiġu pprovduti kummenti skont il-paragrafu 1, jew biex tinħareġ opinjoni skont il-paragrafu 2, proporzjonata għall-għan tat-talba u mhux ta' piż żejjed għall-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta.

It-talbiet għal informazzjoni u t-tweġibiet ipprovduti mill-Istati Membri għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni simultanjament.

6.   Il-kummenti skont il-paragrafu 1 jew l-opinjonijiet skont il-paragrafu 2 għandhom jiġu indirizzati lill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta u għandhom jintbagħtulu fi żmien raġonevoli, u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn 35 jum kalendarju mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jew tan-notifika skont l-Artikolu 9(5). F'każijiet fejn l-opinjoni tal-Kummissjoni tiġi wara kummenti minn Stati Membri oħra, il-Kummissjoni għandu jkollha 15-il jum kalendarju addizzjonali għall-ħruġ ta' dik l-opinjoni.

7.   Stat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta investiment dirett barrani għandu jqis debitament il-kummenti tal-Istati Membri l-oħra u l-opinjoni tal-Kummissjoni.

8.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kummenti skont il-paragrafu 1 u l-Kummissjoni tista' tipprovdi opinjoni skont il-paragrafu 2 mhux aktar tard minn 15-il xahar wara li jkun tlesta l-investiment dirett barrani.

9.   Il-kooperazzjoni skont dan l-Artikolu għandha ssir permezz tal-punti ta' kuntatt stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 11.

10.   Dan l-Artikolu m'għandux japplika għal investimenti diretti barranin li tlestew qabel l-10 ta' April 2019.

Artikolu 8

Investimenti diretti barranin li x'aktarx jaffettwaw proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni

1.   Fejn l-Kummissjoni tqis li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni għal raġunijiet ta' sigurtà jew ordni pubbliku, il-Kummissjoni tista' toħroġ opinjoni indirizzata lill-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta.

2.   Il-proċeduri stipulati fl-Artikoli 6 u 7 għandhom japplikaw mutatis mutandis, soġġetti għall-modifiki li ġejjin:

(a)

bħala parti min-notifika msemmija fl-Artikolu 6(1) jew il-kummenti msemmija fl-Artikoli 6(2) u 7(1), Stat Membru jista' jindika jekk huwa jqisx li investiment dirett barrani x'aktarx jaffettwa proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni;

(b)

l-opinjoni tal-Kummissjoni għandha tintbagħat lill-Istati Membri l-oħra;

(c)

l-Istat Membru fejn ikun ippjanat jew tlesta l-investiment dirett barrani għandu jqis bl-akbar reqqa l-opinjoni tal-Kummissjoni u jipprovdi spjegazzjoni lill-Kummissjoni jekk l-opinjoni tagħha ma tiġix segwita.

3.   Għall-fini ta' dan l-Artikolu, il-proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni għandhom jinkludu dawk il-proġetti u programmi li jinvolvu ammont sostanzjali jew sehem sinifikanti ta' finanzjament mill-Unjoni, jew li huma koperti mid-dritt tal-Unjoni dwar infrastruttura essenzjali, teknoloġiji essenzjali jew inputs essenzjali li huma essenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku. Il-lista tal-proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni hija stabbilita fl-Anness.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 biex temenda l-lista ta' proġetti u programmi ta' interess għall-Unjoni.

Artikolu 9

Rekwiżiti ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni notifikata skont l-Artikolu 6(1) jew mitluba mill-Kummissjoni u minn Stati Membri oħra skont l-Artikoli 6(6) u 7(5) issir disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri li talbuha mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a)

l-istruttura ta' sjieda tal-investitur barrani u tal-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta, inkluża informazzjoni dwar l-investitur aħħari u l-parteċipazzjoni fil-kapital;

(b)

il-valur approssimattiv tal-investiment dirett barrani;

(c)

il-prodotti, servizzi u operazzjonijiet tan-negozju tal-investitur barrani u tal-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta;

(d)

l-Istati Membri fejn l-investitur barrani u l-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta jwettqu operazzjonijiet rilevanti tan-negozju;

(e)

il-finanzjament tal-investiment u s-sors tiegħu, abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli għall-Istat Membru;

(f)

id-data meta l-investiment dirett barrani jkun ippjanat li jitlesta jew ikun tlesta.

3.   L-Istati Membri għandhom jaġixxu biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali għal dik imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jekk disponibbli, lill-Istati Membri rikjedenti u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

4.   L-Istat Membru fejn l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta jista' jitlob lill-investitur barrani jew lill-impriża li fiha l-investiment dirett barrani jkun ippjanat jew tlesta biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2. L-investitur barrani jew l-impriża kkonċernata għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba mingħajr dewmien żejjed.

5.   Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati mingħajr dewmien, jekk, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx jista' jikseb, minkejja l-aħjar sforzi tiegħu, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Fin-notifika, dak l-Istat Membru għandu debitament jiġġustifika r-raġunijiet għalfejn ma ġietx provduta tali informazzjoni u jispjega l-aħjar sforzi li saru biex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, inkluża talba skont il-paragrafu 4.

Jekk ma tkun ġiet ipprovduta ebda informazzjoni, kwalunkwe kumment maħruġ minn Stat Membru ieħor jew kwalunkwe opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni jistgħu jkunu bbażati fuq l-informazzjoni disponibbli lilhom.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni trasmessa

1.   L-informazzjoni riċevuta b'riżultat tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-iskop li għalih tkun ġiet mitluba.

2.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mad-dritt tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali rispettiva.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kklassifikata pprovduta jew skambjata taħt dan ir-Regolament ma tiġix degradata jew deklassifikata mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-oriġinatur.

Artikolu 11

Punti ta' kuntatt

1.   Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu punt ta' kuntatt għall- implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. L- Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinvolvu dawk il-punti ta' kuntatt rigward il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sistema sikura u kriptata biex tagħti appoġġ lill-kooperazzjoni diretta u skambju ta' informazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt.

Artikolu 12

Grupp ta' esperti dwar l-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea

Il-grupp ta' esperti dwar l-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea li jipprovdi pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni għandu jkompli jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin, jikkondividi l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda, u jiskambja fehmiet dwar ix-xejriet u l-kwistjonijiet ta' tħassib komuni relatati mal-investimenti diretti barranin. Il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra titlob il-parir ta' dak il-grupp dwar kwistjonijiet sistemiċi relatati mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Id-diskussjonijiet f'dak il-grupp għandhom jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 13

Kooperazzjoni internazzjonali

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet responsabbli ta' pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mal-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin għal raġunijiet ta' sigurtà u ordni pubbliku.

Artikolu 14

Ipproċessar ta' data personali

1.   Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont dan ir-Regolament għandu jsir f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (UE) 2018/1725 u biss sa fejn ikun meħtieġ għall-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin minn Stati Membri u biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-kooperazzjoni prevista f'dan ir-Regolament.

2.   Id-data personali relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tinżamm biss għaż-żmien meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet li għalihom tkun inġabret.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

1.   Sat-12 ta' Ottubru 2023 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-funzjonament u l-effikaċja ta' dan ir-Regolament u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-Istati Membri għandhom ikunu involuti f'dan l-eżerċizzju u jekk meħtieġ jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni addizzjonali għat-tħejjija ta' dak ir-rapport.

2.   Fejn ir-rapport jirrakkomanda emendi għal dan ir-Regolament, huwa jista' jkun akkumpanjat bi proposta leġislattiva xierqa.

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(4) hija mogħija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mill-10 ta' April 2019.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 8(4) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta' Ottubru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 94.

(2)  ĠU C 247, 13.7.2018, p. 28.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Marzu 2019.

(4)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 li tistabbilixxi l-grupp ta' esperti dwar l-iskrinjar ta' investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea (mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), C(2017)7866 final.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(8)  ĠU C 202, 8.7.2011, p. 13.

(9)  Il-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tal-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata skambjata fl-interessi tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, mill-korpi, mill-uffiċċji u mill-aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu tat-tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(12)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 191.

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(14)  Kif introdotta mid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338); Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1); Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).


ANNESS

Lista ta' proġetti jew programmi ta' interess għall-Unjoni msemmija fl-Artikolu 8(3)

1.   Programmi Ewropej GNSS (Galileo & EGNOS):

Ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

2.   Copernicus:

Ir-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 911/2010 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44).

3.   Orizzont 2020:

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104), inklużi azzjonijiet relatati ma' Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, is-semikondutturi u ċ-ċibersigurtà.

4.   Netwerks Trans-Ewropej għat-Trasport (TEN-T):

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

5.   Netwerks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E):

Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39).

6.   Netwerks trans-Ewropej għat-Telekomunikazzjoni:

Ir-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14).

7.   Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża:

Ir-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni (ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30).

8.   Kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO):

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta' Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Wara t-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kumissjoni Ewropea tieħu impenn li:

taqsam mal-Parlament Ewropew il-formoli standardizzati li l-Kummissjoni Ewropea ser tħejji biex tiffaċilita l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi ta' rappurtar annwali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ladarba jiġu finalizzati, u

taqsam mal-Parlament Ewropew dawn il-formoli standardizzati kull sena, b'mod parallel mal-preżentazzjoni tar-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament.