ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 53

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
22 ta' Frar 2019


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Frar 2019 li jimplimenta klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi

1

 

*

Regolament (UE) 2019/288 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Frar 2019 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020

14

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/1


REGOLAMENT (UE) 2019/287 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Frar 2019

li jimplimenta klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni regolarment tikkonkludi ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi, li fihom tagħti trattament preferenzjali lil dawk il-pajjiżi. Dawn il-ftehimiet kummerċjali jistgħu jinkludu klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħrajn għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor, bħal mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni għal ċerti prodotti sensittivi. L-ispeċifiċitajiet ta' xi prodotti soġġetti għall-ftehimiet kummerċjali jistgħu jeħtieġu dispożizzjonijiet ad hoc, kif tista' teħtieġ ukoll is-sitwazzjoni vulnerabbli tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(2)

Hu meħtieġ li jiġu stipulati l-proċeduri biex tiġi ggarantita l-implimentazzjoni effettiva ta' klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħrajn għall-irtrirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor.

(3)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tinsab fil-ftehimiet kummerċjali marbuta ma' miżuri ta' salvagwardja u mekkaniżmi oħrajn għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor, meta tali dispożizzjonijiet speċifiċi ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament. Kwalunkwe dispożizzjoni speċifika bħal din jenħtieġ li tiġi elenkata fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għaldaqstant jenħtieġ li ma tinżammx milli tinnegozja dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawn fi ftehimiet kummerċjali futuri ma' pajjiżi terzi.

(4)

Il-miżuri ta' salvagwardja jridu jitqiesu biss meta l-prodott inkwistjoni jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant kbar, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u f'tali kundizzjonijiet li jikkawżaw jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta' prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta. Jenħtieġ li l-miżuri ta' salvagwardja bilaterali jieħdu waħda mill-forom imsemmija fil-ftehim kummerċjali rilevanti.

(5)

Jenħtieġ li s-segwitu u r-rieżami tal-ftehimiet kummerċjali, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja, jitwettqu bl-aktar mod trasparenti possibbli.

(6)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe xejra fl-impożizzjoni li tista' tkun teħtieġ l-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja.

(7)

L-affidabbiltà tal-istatistika relatata mal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni hija kruċjali meta jiġi stabbilit jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja.

(8)

Il-monitoraġġ mill-qrib ta' kwalunkwe prodott sensittiv jenħtieġ li jiffaċilita deċiżjonijiet f'waqthom dwar il-ftuħ possibbli ta' investigazzjonijiet u l-impożizzjoni sussegwenti ta' miżuri ta' salvagwardja. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja b'mod regolari l-importazzjonijiet ta' kwalunkwe prodott sensittiv mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tal-ftehim kummerċjali rilevanti, jew id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu, jekk ma jkun hemm ebda applikazzjoni proviżorja. Il-monitoraġġ jenħtieġ li jiġi estiż għal prodotti jew setturi oħra jekk l-industrija rilevanti tal-Unjoni tagħmel talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni.

(9)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għall-ftuħ ta' investigazzjonijiet u sabiex jiġu stabbiliti jekk il-miżuri ta' salvagwardja humiex xierqa, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, biex b'hekk tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(10)

Jenħtieġ li jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' salvagwardja, iżda jenħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri ta' salvagwardja proviżorji f'ċirkostanzi kritiċi.

(11)

Il-miżuri ta' salvagwardja jenħtieġ li jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien li, jista' jkun meħtieġ biex ma jsirx dannu serju u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul massimu taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja jenħtieġ li jiġi stabbilit, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-rieżami ta' dawn il-miżuri.

(12)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiżi kkonċernati li jkunu affettwati mill-miżuri ta' salvagwardja jekk il-ftehimiet kummerċjali li għalihom ikunu parti jkunu jeħtieġu dan.

(13)

Sabiex jiġi emendat l-Anness għal dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni b'rabta maż-żieda jew it-tħassir ta' entrati relatati ma': ftehim kummerċjali; kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tkun inkluża fi ftehim kummerċjali u relatati ma' miżuri ta' salvagwardja jew miżuri oħra għat-tneħħija temporanja ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor li ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament; kwalunkwe prodott identifikat bħala sensittiv minn ftehim kummerċjali; jew kwalunkwe dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli speċifiċi għal mekkaniżmi oħra. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (2). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(14)

L-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali jew mekkaniżmi oħrajn u l-istabbiliment ta' kriterji trasparenti għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji jew trattament ieħor preferenzjali previsti fil-ftehimiet kummerċjali teħtieġ kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja proviżorji u definittivi, l-impożizzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza ta' qabel, it-tmiem ta' investigazzjoni mingħajr miżuri, u s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji jew trattament preferenzjali ieħor.

(15)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(16)

Il-proċedura konsultattiva jenħtieġ li tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri ta' sorveljanza ta' qabel u miżuri proviżorji ta' salvagwardja, minħabba l-effetti li għandhom dawk il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom b'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja definittivi. Il-proċedura ta' eżami jenħtieġ li tapplika għall-impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja definittivi u għar-rieżami ta' dawn il-miżuri.

(17)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament meta raġunijiet imperattivi ta' urġenza jeħtieġu dan jekk, f'każijiet debitament ġustifikati, dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja proviżorji jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jew sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta' żieda fl-importazzjonijiet.

(18)

Jenħtieġ li jsir provvediment għat-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali sabiex ma jkunux mikxufa sigrieti kummerċjali.

(19)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali li jinsabu fl-Anness għal dan ir-Regolament u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' klawżoli ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor li jinsabu fil-ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiż terz wieħed jew aktar u msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tinsab fil-ftehimiet kummerċjali u li hi elenkata fl-Anness b'rabta ma' klawżoli ta' salvagwardja bilaterali jew mekkaniżmi oħrajn għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor, meta tali dispożizzjonijiet ma jkunux konformi ma' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għaldaqstant ma għandux iżomm lill-Kummissjoni milli tinnegozja dispożizzjonijiet speċifiċi bħal dawn fi ftehimiet kummerċjali futuri.

2.   L-Artikolu 194 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) għandu jkompli japplika għall-applikazzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor fil-ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li mhumiex imsemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(1)

“Ftehim” tfisser ftehim kummerċjali imsemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament;

(2)

“klawżola ta' salvagwardja bilaterali” tfisser dispożizzjoni marbuta mas-sospensjoni temporanja ta' tariffi preferenzjali li huma stabbiliti fi Ftehim;

(3)

“partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott;

(4)

“industrija tal-Unjoni” tfisser jew il-produtturi tal-Unjoni kollha flimkien ta' prodott simili jew ta' prodott f'kompetizzjoni diretta li joperaw fit-territorju tal-Unjoni jew produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ta' prodott simili jew ta' prodott f'kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dak il-prodott: fejn prodott simili jew prodott f'kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni għandha tiġi definita fir-rigward tal-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f'kompetizzjoni diretta;

(5)

“dannu serju” tfisser ħsara sinifikanti ġenerali għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(6)

“theddida ta' dannu serju” tfisser dannu serju li jkun imminenti b'mod ċar, li d-determinazzjoni tal-eżistenza tagħha għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni verifikabbli;

(7)

“prodott sensittiv” tfisser prodott identifikat fi Ftehim speċifiku bħala relattivament iktar vulnerabbli minn prodotti oħra għal żieda f'importazzjonijiet;

(8)

“perijodu ta' tranżizzjoni” tfisser perijodu ta' 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta' Ftehim, sakemm mhux definit mod ieħor fil-Ftehim rilevanti;

(9)

“pajjiż ikkonċernat” tfisser pajjiż terz li huwa parti għal Ftehim.

Artikolu 3

Prinċipji

1.   Miżura ta' salvagwardja tista' tiġi imposta f'konformità ma' dan ir-Regolament meta prodott li joriġina f'pajjiż ikkonċernat jiġi impurtat fl-Unjoni:

(a)

f'tali kwantitajiet miżjuda, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni; u

(b)

taħt tali kundizzjonijiet, li joħolqu jew jheddu li joħolqu dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; u

(c)

iż-żieda ta' importazzjonijiet tkun ir-riżultat tal-effett ta' obbligi li joħorġu mill-Ftehim rispettiv, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dak il-prodott.

2.   Miżura ta' salvagwardja tista' tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)

sospensjoni ta' tnaqqis ieħor fir-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat previst fl-Iskeda ta' Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim mal-pajjiż ikkonċernat;

(b)

żieda fir-rata ta' dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

(i)

ir-rata tad-dazju applikata tal-pajjiż l-aktar iffavorit fuq il-prodott ikkonċernat li tkun effettiva fiż-żmien li fih tittieħed il-miżura ta' salvagwardja; jew

(ii)

ir-rata ta' bażi ta' dazju doganali kif speċifikata fl-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim mal-pajjiż ikkonċernat.

Artikolu 4

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ regolari tal-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni ta' kwalunkwe prodott sensittiv li jkunu msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament fir-rigward ta' kull Ftehim. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tagħmel skambju ta' data mal-Istati Membri u mal-industrija tal-Unjoni fuq bażi regolari.

2.   Fuq talba debitament ġustifikata mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista' twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 1 għal kwalunkwe prodott jew settur barra minn dawk imsemmija fl-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali ta' monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti sensittivi, u ta' kwalunkwe prodott jew settur li għalihom ikun ġie estiż il-monitoraġġ.

Artikolu 5

Ftuħ ta' investigazzjoni

1.   Investigazzjoni għandha tinfetaħ mill-Kummissjoni fuq talba minn Stat Membru, minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, fejn ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta' dannu serju jew it-theddida ta' dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

2.   Talbiet għall-ftuħ ta' investigazzjoni tista' titressaq ukoll b'mod konġunt mill-industrija tal-Unjoni, jew minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma għandhiex personalità ġuridika li taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, u t-trade unions. Barra minn hekk, talbiet għall-ftuħ ta' investigazzjoni jistgħu jiġu appoġġati mit-trade unions. Dan ma jaffettwax id-dritt tal-industrija tal-Unjoni biex tirtira t-talba.

3.   Talbiet għall-ftuħ ta' investigazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat, f'termini assoluti u relattivi;

(b)

is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, u l-bidliet fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-livelli ta' bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi.

4.   L-ambitu tal-prodott soġġett għall-investigazzjoni jista' jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew sottosegment wieħed jew diversi sottosegmenti ta' linja tariffarja waħda jew ta' diversi linji tariffarji, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew jista' jsegwi kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b'mod komuni fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Investigazzjoni tista' tinfetaħ wkoll fejn ikun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed jew f'diversi Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie ta' dannu serju jew it-theddida ta' dannu serju għall-industrija tal-Unjoni, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

6.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kopja tat-talba għall-ftuħ ta' investigazzjoni lill-Istati Membru qabel tiftaħ l-investigazzjoni. Meta l-Kummissjoni jkollha l-intensjoni li tiftaħ investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1, hija għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tkun iddeterminat il-ħtieġa li tiftaħ dik l-investigazzjoni.

7.   Jekk għall-Kummissjoni jkun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika l-ftuħ ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiftaħ l-investigazzjoni u għandha tippubblika avviż dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni (l-“avviż tal-ftuħ”) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-investigazzjoni għandha tinfetaħ fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba skont il-paragrafu 1.

8.   L-avviż tal-ftuħ tal-investigazzjoni għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)

ġabra fil-qosor tat-tagħrif riċevut mill-Kummissjoni u talba li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b)

il-perijodu ta' żmien li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu jwasslu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif lill-Kummissjoni, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni;

(c)

il-perijodu li matulu l-partijiet interessati jkunu jistgħu japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(9).

Artikolu 6

Twettiq tal-investigazzjoni

1.   Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż tal-ftuħ skont l-Artikolu 5(7) u (8), il-Kummissjoni għandha tiftaħ investigazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif, u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwettqu dak li jintalab minnhom. Jekk dan it-tagħrif mitlub ikun ta' interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12, għandu jiżdied mal-fajl mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

3.   Fejn possibbli, l-investigazzjoni għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur mid-data li fiha jkun ġie ippubblikat l-avviż tal-ftuħ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak il-limitu ta' żmien jista' jiġi estiż b'perijodu addizzjonali ta' tliet xhur f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħall-involviment ta' għadd ogħla mis-soltu ta' partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kwalunkwe estensjoni ta' dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li jkunu wasslu għaliha.

4.   Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tiddetermina l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u għandha, fejn ikun xieraq, tivverifika dak it-tagħrif.

5.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatturi rilevanti kollha ta' natura oġġettiva u kwantifikabbli li jaffettwaw il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b'mod partikolari r-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f'termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda, u t-tibdil dwar l-industrija tal-Unjoni fir-rigward tal-livell tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti, u l-Kummissjoni tista' tqis ukoll fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta' dannu serju jew theddida ta' dannu serju, bħalma huma l-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu tal-kapital użat, il-likwidità, il-livell tal-ishma fis-suq, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew li diġà jkunu kkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6.   Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw tagħrif skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(8) u r-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu miksub mill-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni, għajr għad-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li tali tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom, ma jkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12, u jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw ukoll il-fehmiet tagħhom dwar tali tagħrif. Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrahom.

7.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-data u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi, disponibbli, jinftiehmu, trasparenti u verifikabbli.

8.   Hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-aċċess bl-internet b'password ta' protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali (“il-pjattaforma online”), li hija għandha tiġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jinxtered it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12. Il-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew għandhom jingħataw aċċess għall-pjattaforma online,.

9.   Il-Kummissjoni għandha tisma' lill-partijiet interessati, b'mod partikolari jekk ikunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perijodu ta' żmien stipulat fl-avviż tal-ftuħ ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li turi li x'aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni għandha tisma' lill-partijiet interessati f'okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-aċċess għall-investigazzjoni għas-setturi diversi u frammentati tal-industrija, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma magħmulin minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), permezz ta' Helpdesk tal-SMEs iddedikat, pereżempju permezz ta' sensibilizzazzjoni, permezz tal-għoti ta' informazzjoni u spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-proċeduri u dwar kif tiġi ppreżentata talba, billi jinħarġu kwestjonarji standard bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u billi jitwieġbu mistoqsijiet ġenerali, u mhux speċifiċi għall-każ. Il-Helpdesk tal-SMEs għandu jagħmel disponibbli formoli standard għas-sottomissjoni tal-istatistika għall-finijiet permanenti u l-kwestjonarji.

11.   Jekk it-tagħrif ma jkunx ippreżentat fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista' tasal għal deċiżjoni abbażi tal-fatti disponibbli. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi parti terza tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, hija għandha tinjora dak it-tagħrif u tista' tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

12.   Il-Kummissjoni għandha twaqqaf l-uffiċċju tal-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ li s-setgħat u r-responsabbiltajiet tiegħu huma stabbiliti f'mandat adottat mill-Kummissjoni u li għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati.

13.   Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-pajjiż jew pajjiżi kkonċernati bil-ftuħ ta' investigazzjoni.

Artikolu 7

Miżuri ta' sorveljanza minn qabel

1.   Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' sorveljanza minn qabel fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' prodott minn pajjiż ikkonċernat fejn ix-xejra tal-importazzjonijiet ta' dak il-prodott tkun tali li tkun tista' twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5. Dawk il-miżuri ta' sorveljanza minn qabel għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2).

2.   Il-miżuri ta' sorveljanza minn qabel għandhom ikunu validi għal perijodu limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma għandhomx jibqgħu validi fi tmiem it-tieni perijodu ta' sitt xhur li jsegwi l-ewwel sitt xhur wara l-introduzzjoni ta' dawk il-miżuri.

Artikolu 8

Impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja proviżorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja proviżorji f'ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien aktarx li joħloq dannu li jkun diffiċli jissewwa, u b'hekk azzjoni immedjata tkun neċessarja, skont determinazzjoni preliminari mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5) li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat ikun impurtat:

(a)

f'tali kwantitajiet miżjuda, f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni; u

(b)

taħt tali kundizzjonijiet, biex joħolqu jew jheddu li joħolqu dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; u

(c)

iż-żieda tal-importazzjonijiet tkun ir-riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dak il-prodott.

Dawk il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2).

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni, u jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4). Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

3.   Il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

4.   Jekk il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji jitħassru minħabba li l-investigazzjoni tikxef li ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1), kwalunkwe dazju doganali miġbur bħala riżultat ta' dawn il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji għandu jiġi awtomatikament rimborsat.

5.   Il-miżuri ta' salvagwardja proviżorji għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawk il-miżuri. Madankollu, dawn il-miżuri ma jwaqqfux ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li jkunu diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni, fejn id-destinazzjoni ta' dawn il-prodotti ma tkunx tista' tinbidel.

Artikolu 9

Tmiem tal-investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri

1.   Jekk investigazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) ma jkunux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tippubblika deċiżjoni biex jintemmul-investigazzjoni u l-proċedimenti f'konformità tal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar il-kwistjonijiet rilevanti kollha ta' fatt u ta' liġi, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12.

Artikolu 10

Impożizzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja definittivi

1.   Jekk investigazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' salvagwardja definittivi skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport li jkun fih sommarju tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni waqt li tqis b'mod xieraq il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12.

Artikolu 11

Tul ta' żmien u rieżami tal-miżuri ta' salvagwardja

1.   Miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ biss għal tali perijodu ta' żmien kif ikun meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dak il-perijodu ma għandux jeċċedi s-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 2.

2.   Il-perijodu inizjali ta' miżura ta' salvagwardja, kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista' jiġi estiż b'mhux iktar minn sentejn, bil-kondizzjoni li l-miżura ta' salvagwardja tibqa' meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u li jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

3.   Kwalunkwe Stat Membru, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkunu qed jaġixxu f'isem l-industrija tal-Unjoni, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni, tista' titlob estensjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. F'tali każ, qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-estensjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami biex tinvestiga jekk ikunux ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu l-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5). Il-Kummissjoni tista' tiftaħ tali rieżami fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jkunu ġew sodisfati. Il-miżura ta' salvagwardja għandha tibqa' fis-seħħ sakemm joħroġ ir-riżultat ta' dak ir-rieżami.

4.   L-avviż ta' ftuħ ta' rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu għandu jiġi ppubblikat f'konformità mal-Artikolu 5(7) u (8). Ir-rieżami għandu jitmexxa f'konformità mal-Artikolu 6.

5.   Kwalunkwe deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandha ssir f'konformità mal-Artikoli 9 u 10.

6.   It-tul ta' żmien totali ta' miżura ta' salvagwardja ma għandux jeċċedi l-erba' snin, inkluż il-perijodu ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' salvagwardja proviżorja, il-perijodu inizjali tal-applikazzjoni u kwalunkwe estensjoni tiegħu.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

1.   L-informazzjoni rċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet.

2.   Tagħrif ta' natura kunfidenzjali u tagħrif ipprovdut fuq bażi kunfidenzjali li jkun ġie riċevut skont dan ir-Regolament ma għandux jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress ta' min jipprovdi dan it-tagħrif.

3.   Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif għandu jkun kunfidenzjali. Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif kunfidenzjali għandhom ikunu mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu. Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif kunfidenzjali. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, tali partijiet interessati jistgħu jindikaw li mhuwiex possibbli li tali tagħrif jitqassar. F'tali każijiet, il-parti interessata għandha tipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli. Madankollu, jekk ikun jidher li talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk min jipprovdi t-tagħrif ma jkunx jixtieq lali jagħmel it-tagħrif pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f'termini ġenerali jew f'forma mqassra, it-tagħrif kkonċernat jista' ma jitqiesx.

4.   It-tagħrif għandu f'kwalunkwe każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x'aktarx li jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta' dak it-tagħrif.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali, u b'mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ittieħdu d-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet tal-Unjoni, madankollu, għandhom iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

Artikolu 13

Rapport

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi li jinsabu f'kull Ftehim, inkluż fir-rigward tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli, jekk il-Ftehim ikun fih tali kapitolu, u f'dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapport għandujinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' salvagwardja provviżorja u definittiva, kwalunkwe miżura ta' sorveljanza minn qabel, kwalunkwe miżura ta' sorveljanza reġjonali u ta' salvagwardja, it-tmiem ta' kwalunkwe investigazzjoni jew proċediment mingħajr miżuri, u informazzjoni dwar l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u dwar l-attivitajiet tal-gruppi konsultattivi domestiċi.

3.   Ir-rapport għandu jippreżenta wkoll ġabra qasira tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ ma' kull pajjiż ikkonċernat.

4.   Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa tal-kumitat tiegħu reponsabbli sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

5.   Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 14

Mekkaniżmi u kriterji oħra għal irtirar temporanju ta' preferenzi tarriffarji jew ta' trattament preferenzjarju ieħor

1.   Jekk Ftehim jipprevedi mekkaniżmi jew kriterji oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor fir-rigward ta' ċerti prodotti, bħal mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni f'dak li jikkonċerna r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, per eżempju, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti jkunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex:

(a)

tissospendi jew tikkonferma n-nuqqas ta' sospensjoni tal-preferenzi tariffarji jew ta' trattament preferenzjali ieħor għall-prodott ikkonċernat;

(b)

tistabbilixxi mill-ġdid il-preferenzi tariffarji jew trattament preferenzjali ieħor fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti huma sodisfatti;

(c)

taġġusta s-sospensjoni biex tkun konformi mal-kundizzjonijiet fil-Ftehim rilevanti; jew

(d)

tieħu kwalunkwe azzjoni oħra speċifikata fil-Ftehim rilevanti.

Dawk l-atti għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk dewmien fit-teħid tal-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ikun jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jissewwa, jew sabiex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, b'mod partikolari b'riżultat ta' żieda fl-importazzjonijiet, jew kif previst mod ieħor fil-Ftehim rilevanti, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4).

Artikolu 15

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 16 sabiex temenda l-Anness bil-għan li żżid jew tħassar entrati relatati ma':

(a)

Ftehim;

(b)

kwalunkwe dispożizzjoni speċifika kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1);

(c)

kwalunkwe prodott identifikat bħalasensittiv;

(d)

kwalunkwe dispożizzjoni li tistabbilixxi regoli speċifiċi għal mekkaniżmi oħrajn kif imsemmija fl-Artikolu 14 li jikkonċernaw fost l-oħrajn, jekk applikabbli, il-monitoraġġ, skadenzi għall-investigazzjonijiet, u rappurtar.

Artikolu 16

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 15 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-14 ta' Marzu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħat imsemmija fil-Artikolu 15 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat addottat skont l-Artikolu 15 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuql-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 3(1) tar- Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). li huwa kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Frar 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2019.

(2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjoni (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).


ANNESS

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI LI JINSABU FIL-FTEHIMIET U IMPLIMENTATI PERMEZZ TA' DAN IR-REGOLAMENT

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore

Data ta' Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta' salvagwardja bilaterali

Artikolu 3.10 (Applikazzjoni ta' Miżura ta' Salvagwardja Bilaterali)

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) li tinsab (li jinsabu) fil-Ftehim:

Punt (b) tal-Artikolu 3.9:

“(b)

‘perijodu tranżitorju’ tfisser perijodu ta' 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim”

Artikolu 3.11(5):

“5.

L-ebda parti ma għandha tapplika miżura ta' salvagwardja bilaterali kif stabbilit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3.10 (L-Applikazzjoni ta' Miżura ta' Salvagwardja Bilaterali):

(c)

lil hinn mill-iskadenza tal-perijodu ta' tranżizzjoni minbarra bil-kunsens tal-Parti l-oħra.”

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

Data ta' Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta' salvagwardja bilaterali

L-Artikolu 3.10 (Applikazzjoni ta' Miżura ta' Salvagwardja)

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) li tinsab (li jinsabu) f'dan il-Ftehim:

Punt (c) tal-Artikolu 3.9,:

“(c)

‘perijodu tranżitorju’ tfisser perijodu ta' 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.”

L-Artikolu 3.11(6):

“6.

Parti ma għandhiex tapplika miżura ta' salvagwardja bilaterali:

(c)

lil hinn mill-iskadenza tal-perijodu ta' tranżizzjoni, ħlief bil-kunsens tal-Parti l-oħra.”

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun għal Sħubija Ekonomika

Data ta' Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta' Salvagwardja Bilaterali:

Artikolu 2.5 (Salvagwardji agrikoli), u 5.2 (Applikazzjoni ta' miżura ta' salvagwardja bilaterali)

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) li tinsab (li jinsabu) f'dan il-Ftehim:

Punt (d) tal-Artikolu 5.1:

“(d)

‘perijodu ta' tranżizzjoni’ tfisser, b'rabta ma' oġġett oriġinarju partikolari, il-perijodu li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim u li jintemm 10 snin wara d-data ta' tmiem tat-tnaqqis jew tal-eliminazzjoni tat-tariffi fuq dak l-oġġett f'konformità mal-Anness 2-A.”

L-Artikolu 18 (Salvagwardja) tal-Anness 2-C dwar vetturi bil-mutur u l-partijiet:

“1.

Matul l-10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, kull waħda mill-Partijiet tirriżerva d-dritt li tissospendi konċessjonijiet ekwivalenti jew obbligi ekwivalenti oħrajn fil-każ li l-Parti l-oħra:

(a)

ma tapplikax jew tieqaf tapplika Regolament tan-NU kif speċifikat fl-Appendiċi 2-C-1; jew

(b)

tintroduċi jew temenda kwalunkwe miżura regolatorja oħra li tannulla jew ixxekkel il-benefiċċji tal-applikazzjoni ta' Regolament tan-NU kif speċifikat fl-Appendiċi 2-C-1.

2.

Sospensjonijiet skont il-paragrafu 1 għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm tittieħed deċiżjoni skont il-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim aċċellerata msemmija fl-Artikolu 19 ta' dan l-Anness jew tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ naħat, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet skont is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 19 ta' dan l-Anness, skont liema minnhom jiġi l-ewwel.”


Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jaqblu dwar l-importanza ta' kooperazzjoni mill-qrib dwar l-implementazzjoni tal-Ftehimiet elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) 2019/287 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Frar 2019 li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta' salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta' preferenzi f'ċerti ftehimiet kummerċjali konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi. Għal dak il-għan, huma jaqblu li meta l-Parlament Ewropew jadotta rakkomandazzjoni biex jibda investigazzjoni ta' salvagwardja, il-Kummissjoni se teżamina bir-reqqa jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet skont ir-Regolament għal inizjazzjoni ex officio. F'każ li l-Kummissjoni tqis li dawk il-kondizzjonijiet ma ġewx sodisfatti, hi ser tippreżenta rapport lill-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew li jkun jinkludi spjegazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti għall-inizjazzjoni ta' tali investigazzjoni.


22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/14


REGOLAMENT (UE) 2019/288 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta' ċerti regoli dwar il-pagamenti diretti u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali għas-snin 2019 u 2020

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv ntbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huwa l-qafas legali attwali għall-appoġġ tal-iżvilupp rurali. Huwa jipprevedi appoġġ għaż-żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali, minbarra ż-żoni muntanjużi. Filwaqt li titqies l-estensjoni sal-2019 tal-iskadenza għad-delimitazzjoni l-ġdida taż-żoni li qed jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali minbarra żoni muntanjużi permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u l-perjodu ta' adattament iqsar għall-bdiewa li mhumiex se jibqgħu jkunu eleġibbli għal pagamenti, il-pagamenti tranżizzjonali digressivi li jibdew biss fl-2019 jenħtieġ li jibdew f'livell ta' mhux aktar minn 80 % tal-pagamenti medji ffissati fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament jenħtieġ li jiġi stabbilit b'tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.

(2)

Sabiex tingħata assistenza lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati għat-tħejjija f'waqtha tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura u sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel għall-perjodu ta' programmar il-ġdid, jenħtieġ li jiġi ċċarat li huwa possibbli li jiġu ffinanzjati attivitajiet marbuta mal-preparazzjoni tal-PAK futura permezz ta' assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa l-qafas legali attwali għall-pagamenti diretti. Għalkemm il-maġġoranza tad-dispożizzjonijiet tiegħu jistgħu japplikaw għaż-żmien kollu li dak ir-Regolament jibqa' fis-seħħ, dispożizzjonijiet oħra jirreferu b'mod espliċitu għas-snin kalendarji 2015 sa 2019 li huma koperti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Għal xi dispożizzjonijiet oħra, l-applikabbiltà tagħhom lil hinn mis-sena kalendarja 2019 ma kinitx espliċitament prevista. F'Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament ġdid biex jissostitwixxi r-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iżda biss mill-1 ta' Jannar 2021. Għalhekk, huwa xieraq li jsiru ċerti aġġustamenti tekniċi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 sabiex dan ikun jista' jiġi applikat bla xkiel fis-sena kalendarja 2020.

(4)

L-obbligu stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li titnaqqas il-parti tal-ammont ta' pagamenti diretti li għandhom jingħataw lil bidwi għal sena kalendarja partikolari li taqbeż EUR 150 000 jkompli japplika għaż-żmien kollu li dak ir-Regolament ikun fis-seħħ. Madankollu, dak l-Artikolu jistipula biss obbligu għall-Istati Membri li jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom u l-prodott stmat ta' dak it-tnaqqis għas-snin 2015 sa 2019. Bil-ħsieb li tiġi żgurata kontinwazzjoni tas-sistema eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri ukoll jinnotifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom rigward is-sena 2020 u l-prodott stmat tat-tnaqqis għal dik is-sena.

(5)

Il-flessibiltà bejn il-pilastri huwa t-trasferiment fakultattiv ta' fondi bejn il-pagamenti diretti u l-iżvilupp rurali. Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu ta' din il-flessibiltà fir-rigward tas-snin kalendarji 2014 sa 2019. Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu l-istrateġija tagħhom, il-flessibiltà bejn il-pilastri jenħtieġ li tkun disponibbli wkoll għas-sena kalendarja 2020, li tikkorrispondi għas-sena finanzjarja 2021.

(6)

Bħala konsegwenza tal-emenda tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, huwa xieraq li jiġu aġġustati r-referenzi għal dak l-Artikolu fil-kuntest tal-obbligu tal-Istati Membri li jnaqqsu jew iżidu b'mod lineari l-valur tad-drittijiet għall-pagamenti minħabba fluttwazzjonijiet fil-limitu massimu nazzjonali annwali li jirriżultaw min-notifiki tagħhom tal-applikazzjoni tal-flessibiltà bejn il-pilastri.

(7)

Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(8)

Sabiex tiġi pprovduta fil-pront il-flessibiltà neċessarja lill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika ta' żvilupp rurali fis-snin finali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, huwa kien ikkunsidrat bħala xieraq li tiġi prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(9)

Sabiex tiġi pprovduta fil-pront il-flessibiltà neċessarja lill-Istati Membri u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-politika ta' żvilupp rurali fis-snin finali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Marzu 2019,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 31(5), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn il-pagamenti digressivi jibdew biss fis-sena 2019, dawk il-pagamenti għandhom jibdew f'livell ta' mhux aktar minn 80 % tal-pagament medju iffissat fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Il-livell tal-pagament għandu jiġi stabbilit b'tali mod li l-livell tat-tmiem fl-2020 ikun in-nofs tal-livell tal-bidu.”;

(2)

fl-Artikolu 51(1), jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-ewwel subparagrafu:

“Il-FAEŻR jista' jiffinanzja attivitajiet li jippreparaw għall-implimentazzjoni tal-PAK fil-perjodu ta' programmazzjoni sussegwenti.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Għal kull Stat Membru u għal kull sena kalendarja, il-prodott stmat tat-tnaqqis tal-pagamenti imsemmi fl-Artikolu 11 (li jkun rifless fid-differenza bejn il-limitu massimu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, li miegħu jiżdied l-ammont disponibbli skont l-Artikolu 58, u l-limitu massimu nett stabbilit fl-Anness III) għandu jsir disponibbli bħala appoġġ tal-Unjoni ffinanzjat skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).”;

(2)

fl-Artikolu 11(6), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għas-sena 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet meħuda skont dan l-Artikolu u bi kwalunkwe prodott stmat tat-tnaqqis sal-31 ta' Diċembru 2019.”;

(3)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli, bħala appoġġ addizzjonali ffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021, sa 15 % tal-limiti massimi nazzjonali annwali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 stipulati fl-Anness II għal dan ir-Regolament. B'riżultat ta' dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa' disponibbli għall-għoti ta' pagamenti diretti. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2019 u għandha tindika l-perċentwal magħżul.”;

(b)

fil-paragrafu 2, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti sa 15 %, jew fil-każ tal-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja sa 25 %, tal-ammont allokat għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021 mil-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata wara l-adozzjoni mill-Kunsill tar-Regolament rilevanti skont l-Artikolu 312(2) TFUE. B'riżultat ta' dan, l-ammont korrispondenti ma għandux jibqa' disponibbli għall-appoġġ iffinanzjat taħt l-FAEŻR. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi notifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2019 u għandha tindika l-perċentwal magħżul.”;

(4)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Jekk il-limitu massimu għal Stat Membru stipulat mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jkun differenti minn dak tas-sena ta' qabel b'riżultat ta' xi deċiżjoni li tkun ittieħdet minn dak l-Istat Membru f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 14(1) jew (2), l-Artikolu 42(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1), jew l-Artikolu 53, dak l-Istat Membru għandu jnaqqas jew iżid b'mod lineari l-valur tad-drittijiet kollha għall-pagament biex tkun żgurata konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.”.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Marzu 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Frar 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).