ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 34

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
6 ta' Frar 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/217 tat-28 ta' Jannar 2019 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

1

 

 

Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

4

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/218 tal-1 ta' Frar 2019 li japprova emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta jew ta' Indikazzjoni Ġeografika Protetta Vinos de Madrid (DOP)

8

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1622 tad-29 ta' Ottubru 2018 dwar in-nonapprovazzjoni ta' ċerti sustanzi attivi fi prodotti bijoċidali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 271, 30.10.2018 )

10

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/217

tat-28 ta' Jannar 2019

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (2) (“Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2000.

(2)

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-Unjoni kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha mar-Renju tal-Marokk u tatu status avvanzat.

(3)

L-Unjoni ma għandhiex preġudizzju dwar l-eżitu tal-proċess politiku dwar l-istatus finali tas-Saħara tal-Punent li qed isir taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti u hi tenniet ripetutament l-impenn tagħha fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-Saħara tal-Punent, li attwalment huwa inkluż min-Nazzjonijiet Uniti fil-lista tat-territorji mhux awtonomi, u li fil-preżent huwa amministrat fil-parti l-kbira mir-Renju tal-Marokk. Hija tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-mibgħut speċjali tiegħu biex jgħinu lill-partijiet jaslu għal soluzzjoni politika ġusta, dejjiema u reċiprokament aċċettabbli, li tkun tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fil-kuntest ta' arranġamenti konsistenti mal-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2152 (2014), 2218 (2015), 2385 (2016), 2351 (2017) et 2414 (2018).

(4)

Sa mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent u ċertifikati ta' oriġini Marokkina ġew importati fl-Unjoni u bbenefikaw minn preferenzi tariffarji pprovduti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-imsemmi Ftehim.

(5)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-104/16 P (3), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ppreċiżat li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni kien ikopri biss it-territorju tar-Renju tal-Marokk u mhux tas-Saħara tal-Punent, territorju li mhux awtonomu.

(6)

Huwa importanti li filwaqt li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dritt internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji kkonċernati, jiġi żgurat li l-flussi kummerċjali li ġew żviluppati matul is-snin ma jiġux imfixkla. Fid-29 ta' Mejju 2017, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-ħsieb li tiġi stabbilita, f'konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, bażi ġuridika biex jingħataw preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent. Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk huwa l-uniku mezz li jiżgura li l-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ikunu jistgħu jibbenefikaw minn oriġini preferenzjali, peress li l-awtoritajiet Marokkini biss huma kapaċi jiżguraw konformità mar-regoli meħtieġa għall-għoti ta' dawn il-preferenzi.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-effetti potenzjali ta' ftehim bħal dan fuq l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent li jirriżultaw fuq il-popolazzjonijiet milqutin u l-effetti tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati. L-effetti ta' vantaġġi tariffarji fuq l-impjiegi, id-drittijiet tal-bniedem u l-isfruttament tar-riżorsi naturali huma diffiċli ħafna li jitkejlu minħabba n-natura indiretta tagħhom. Għaldaqstant, huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni oġġettiva f'dan ir-rigward.

(8)

Madankollu, minn din l-evalwazzjoni jirriżulta li b'mod ġenerali, il-vantaġġi għall-ekonomija tas-Saħara tal-Punent, li jirriżultaw mill-għoti tal-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent, u partikolarment l-ingranaġġ ekonomiku b'saħħtu u b'konsegwenza l-iżvilupp soċjali li jġib miegħu, jaqbżu l-iżvantaġġi msemmija fil-proċess ta' konsultazzjonijiet, fosthom l-użu estensiv tar-riżorsi naturali, b'mod partikolari tar-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art, li għalih ittieħdu l-miżuri xierqa.

(9)

Ġie stmat li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent ser ikollha impatt ġenerali pożittiv fuq il-popolazzjonijiet milqutin. Huwa probabbli li dan l-impatt jippersisti u jista' saħansitra jissaħħaħ fil-futur. L-evalwazzjoni tindika li l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji għall-prodotti tas-Saħara tal-Punent tippromwovi l-kundizzjonijiet tal-investiment u tiffaċilita żvilupp rapidu u sinifikanti favur l-impjiegi lokali. L-eżistenza fis-Saħara tal-Punent ta' attivitajiet ekonomiċi u ta' produzzjoni li għandhom l-akbar interess li jibbenefikaw mill-preferenzi tariffarji previsti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni turi li jekk ma jingħatawx preferenzi tariffarji tiġi kompromessa b'mod sinifikanti l-esportazzjoni tas-Saħara tal-Punent, b'mod partikolari dik tal-prodotti tas-sajd u l-prodotti agrikoli. Huwa stmat li l-għoti ta' preferenzi tariffarji jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tal-ekonomija tas-Saħara tal-Punent, billi jistimula l-investiment.

(10)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-kunsens fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex tinvolvi kif xieraq iil-popolazzjonijiet milqutin sabiex tiżgura l-kunsens tagħhom għall-Ftehim. Saru konsultazzjonijiet estensivi u l-biċċa l-kbira tal-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li pparteċipaw fil-konsultazzjonijiet iddikjaraw li kienu favur l-estensjoni tal-preferenzi tariffarji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni għas-Saħara tal-Punent. Dawk li rrifjutaw l-estensjoni kkunsidraw essenzjalment li tali ftehim jikkonferma l-pożizzjoni tal-Marokk fuq it-territorju tas-Saħara tal-Punent. Madankollu, xejnjimplika rrikonoxximent tas-sovranità tal-Marokk fuq is-Saħara tal-Punent. L-Unjoni, permezz ta' sforzi msaħħa, ser tkompli tappoġġa l-proċess ta' riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima li nbeda u kompla għaddej taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti.

(11)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1893 (4), il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-25 ta' Ottubru 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data iktar tard.

(12)

Il-Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim, fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”)huwa approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni, għan-notifika prevista fil-Ftehim (5),

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

P. DAEA


(1)  Kunsens tas-16 ta' Jannar 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.

(3)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Front Polisario, C-104/16 P, ECLI:EU:C:2016:973.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1893 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar l-emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 1).

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/4


FTEHIM

fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra

A.   Ittra mill-Unjoni

Sinjur,

Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li saru fil-qafas tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), dwar l-emenda ta' xi protokolli ta' dan il-Ftehim.

Wara dawk in-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu dwar dan li ġej:

Dan il-Ftehim huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r-Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

Iż-żewġ Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti u jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu li d-dikjarazzjoni konġunta li ġejja tiddaħħal wara l-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”)

1.

Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

2.

Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż fir-rigward tal-provi tal-oriġini (1).

3.

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.”

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta' din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, kif b'mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F'dan l-ispirtu ta' sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet milqutin u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu b'mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta' dan l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim jista' jkun applikat fuq bażi provviżorja bi ftehim reċiproku permezz ta' skambju ta' notifiki bejn iż-żewġ Partijiet mid-data tal-iffirmar awtorizzat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni għall-adozzjoni tiegħu.

Napprezza kieku kellek tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel ma' dan ta' hawn fuq.

Dejjem tiegħek,

Съставено в Брюксел на

Hecho en Bruselas, el

V Bruselu dne

Udfærdiget i Bruxelles, den

Geschehen zu Brüssel am

Brüssel,

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις

Done at Brussels,

Fait à Bruxelles, le

Sastavljeno u Bruxellesu

Fatto a Bruxelles, addì

Briselē,

Priimta Briuselyje,

Kelt Brüsszelben,

Magħmul fi Brussell,

Gedaan te Brussel,

Sporządzono w Brukseli, dnia

Feito em Bruxelas,

Întocmit la Bruxelles,

V Bruseli

V Bruslju,

Tehty Brysselissä

Utfärdat i Bryssel den

Image

Image

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

B.   Ittra mir-Renju tal-Marokk

Sinjur,

Għandi l-unur ngħarrfek li rċevejt l-ittra tiegħek bid-data tal-lum, li taqra kif ġej:

“Sinjur,

Għandi l-unur nirreferi għan-negozjati li saru fil-qafas tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), dwar l-emenda ta' xi protokolli ta' dan il-Ftehim.

Wara dawk in-negozjati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu dwar dan li ġej:

Dan il-Ftehim huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-istatus tas-Saħara tal-Punent u r-Renju tal-Marokk fuq l-imsemmi reġjun.

Iż-żewġ Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti u jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont l-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu dwar id-dikjarazzjoni konġunta li tiddaħħal wara l-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-applikazzjoni tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (‘il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni’)

1.

Il-prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent li huma suġġetti għall-kontroll tal-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom jibbenefikaw mill-istess preferenzi kummerċjali bħal dawk mogħtija mill-Unjoni Ewropea għall-prodotti koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

2.

Il-Protokoll Nru 4 għandu japplika mutatis mutandis għall-iskop li tiġi jiġi ddefinit il-karattru tal-oriġini tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 inkluż fir-rigward tal-provi tal-oriġini (2).

3.

L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 4 għal dawn il-prodotti.”.

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li japplikaw il-protokolli skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni dwar ir-rispett għal-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem.

L-inklużjoni ta' din id-dikjarazzjoni konġunta hija bbażata fuq is-sħubija privileġġjata stabbilita sew bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, kif b'mod partikolari stabbilita permezz tal-istatus avvanzat mogħti lil dan tal-aħħar, kif ukoll fuq l-ambizzjoni komuni tal-Partijiet li japprofondixxu din is-sħubija u jwessgħuha.

F'dan l-ispirtu ta' sħubija u sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu jevalwaw l-impatt ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari fuq l-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-vantaġġi għall-popolazzjonijiet milqutin u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk qablu b'mod reċiproku li jiskambjaw informazzjoni fil-qafas tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mill-inqas darba fis-sena.

Il-modalitajiet speċifiċi ta' dan l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni ser jiġu determinati sussegwentement bil-ħsieb tal-adozzjoni tagħhom mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

Dan il-Ftehim jista' jkun applikat fuq bażi provviżorja bi ftehim reċiproku permezz ta' skambju ta' notifiki bejn iż-żewġ Partijiet mid-data tal-iffirmar awtorizzat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara d-data li fih iż-żewġ Partijiet ikunu nnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri interni għall-adozzjoni tiegħu.

Napprezza kieku kellek tikkonferma li l-Gvern tiegħek jaqbel ma' dan ta' hawn fuq.”.

Nista' nikkonferma li l-Gvern tiegħi jaqbel mal-kontenut ta' din l-ittra.

Dejjem tiegħek,

Image

Съставено в Брюксел на

Hecho en Bruselas, el

V Bruselu dne

Udfærdiget i Bruxelles, den

Geschehen zu Brüssel am

Brüssel,

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις

Done at Brussels,

Fait à Bruxelles, le

Sastavljeno u Bruxellesu

Fatto a Bruxelles, addì

Briselē,

Priimta Briuselyje,

Kelt Brüsszelben,

Magħmul fi Brussell,

Gedaan te Brussel,

Sporządzono w Brukseli, dnia

Feito em Bruxelas,

Întocmit la Bruxelles,

V Bruseli

V Bruslju,

Tehty Brysselissä

Utfärdat i Bryssel den

Image

Image

За Кралство Мароко

Por el Reino de Marruecos

Za Marocké království

For Kongeriget Marokko

Für das Königreich Marokko

Maroko Kuningriigi nimel

Για το Βασίλειο του Μαρόκου

For the Kingdom of Morocco

Pour le Royaume du Maroc

Za Kraljevinu Maroko

Per il Regno del Marocco

Marokas Karalistes vārdā –

Maroko Karalystės vardu

A Marokkói Királyság részéről

Għar-Renju tal-Marokk

Voor het Koninkrijk Marokko

W imieniu Królestwa Marokańskiego

Pelo Reino de Marrocos

Pentru Regatul Maroc

Za Marocké kráľovstvo

Za Kraljevino Maroko

Marokon kuningaskunnan puolesta

För Konungariket Marocko

Image


(1)  L-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 4 għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.

(2)  L-awtoritajiet doganali tar-Renju tal-Marokk għandhom ikunu responsabbli għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 4 għall-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.


REGOLAMENTI

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/218

tal-1 ta' Frar 2019

li japprova emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta jew ta' Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Vinos de Madrid” (DOP)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni għad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta “Vinos de Madrid”, mibgħuta minn Spanja skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif meħtieġ mill-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (2).

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

Għalhekk jenħtieġ li tiġi approvata l-emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda għall-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-denominazzjoni “Vinos de Madrid” (DOP) hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU C 398, 5.11.2018, p. 8.


Rettifika

6.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/10


Rettifika tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1622 tad-29 ta' Ottubru 2018 dwar in-nonapprovazzjoni ta' ċerti sustanzi attivi fi prodotti bijoċidali skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 271 tat-30 ta' Ottubru 2018 )

F'paġna 29, fit-tabella tal-Anness,

minflok:

“939

Kloru Attiv: immanifatturat mir-reazzjoni tal-aċidu ipokloruż u tal-ipoklorit tas-sodju prodotta in situ

SK

Taħlita

Mhux disponibbli

2, 3, 4, 5, 11, 12”,

aqra:

“939

Kloru Attiv: immanifatturat mir-reazzjoni tal-aċidu ipokloruż u tal-ipoklorit tas-sodju prodotta in situ

SK

Taħlita

Mhux disponibbli

2, 3, 4, 5”.