ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 19

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
22ta' Jannar 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/92 tal-21 ta' Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/93 tal-21 ta' Jannar 2019 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

3

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/94 tat-30 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/95 tal-21 ta' Jannar 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/96 tal-21 ta' Jannar 2019 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/97 tal-21 ta' Jannar 2019 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

11

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ( ĠU L 179, 19.6.2014 )

20

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/92

tal-21 ta' Jannar 2019

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(1) u (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(2)

Wara l-mewt ta' persuna nominata, il-Kunsill iqis li l-entrata għal din il-persuna jenħtieġ li titħassar mill-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014 huwa emendat kif indikat fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.


ANNESS

L-entrata li tikonċerna l-persuna li ġejja titħassar mil-lista li tinsab fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 269/2014:

“150.

Iosif (Joseph) Davydovich KOBZON”


22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/93

tal-21 ta' Jannar 2019

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509.

(2)

Żewġ persuni fiżiċi indikati fl-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509 mietu, u jenħtieġ li l-entrati tagħhom jitneħħew minn dak l-Anness.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.


ANNESS

Fir-Regolament (UE) 2017/1509, l-Anness XV, il-Parti (a), jitneħħew l-entrati li ġejjin:

2.

CHU Kyu-Chang (D.O.B. 25.11.1928)

4.

KIM Yong-chun (D.O.B. 4.3.1935).


22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/5


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/94

tat-30 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3), l-Artikolu 36(5) u l-Artikolu 45(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 (2) li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 billi ssimplifika r-regoli ġenerali li jirregolaw il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Għalhekk, jenħtieġ li l-elementi mhux essenzjali li jissupplimentaw dawn ir-regoli ġenerali jiġu emendati skont dan.

(2)

Ir-regoli dwar l-istabbiliment konġunt ta' bdiewa żgħażagħ ġew introdotti fl-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u nżdiedet definizzjoni ta' “data ta' stabbiliment” fl-Artikolu 2(1)(s) ta' dak ir-Regolament.

(3)

Fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iddaħħal Artikolu 39a ġdid, li jipprevedi appoġġ lill-bdiewa permezz ta' għodda ta' stabbilizzazzjoni tad-dħul għall-bdiewa ta' settur speċifiku.

(4)

Ir-regoli dwar l-istrumenti finanzjarji ġew issimplifikati bil-għan li jarmonizzaw ir-regoli dwar l-eliġibbiltà skont is-settur għal proġetti ta' investiment appoġġati mill-FAEŻR mar-regoli komuni applikabbli għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kollha. B'mod partikolari, ġiet introdotta deroga minn ċerti regoli ġenerali dwar l-eliġibbiltà applikabbli għall-operazzjonijiet tal-investimenti tal-FAEŻR, stabbiliti fl-Artikolu 45(1) sa (3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, filwaqt li tibqa' applikabbli l-leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 jiġi emendat skont dan.

(6)

Billi r-Regolament (UE) 2017/2393 emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 mill-1 ta' Jannar 2018, huwa xieraq li jsiru applikabbli mill-istess data l-emendi korrispondenti għar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Bidwi żagħżugħ

1.   Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-appoġġ għal bidwi żagħżugħ, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-istabbiliment f'azjenda agrikola bħala l-kap ta' dik l-azjenda b'mod konġunt ma' bdiewa oħrajn għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal bidwi żgħażugħ biex jistabbilixxi lilu nnfisu bħala l-kap uniku ta' azjenda agrikola. Fil-każijiet kollha, il-bdiewa żgħażagħ għandu jkollhom kontroll fuq l-ażjenda agrikola kif definit bid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru.

2.   Meta l-applikazzjoni għall-appoġġ tikkonċerna azjenda agrikola li tkun proprjetà ta' persuna ġuridika, bidwi żagħżugħ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jeżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kif definit bid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru. Meta diversi persuni fiżiċi, inkluża/i persuna/i li mhijiex bidwi żagħżugħ/li mhumiex bdiewa żgħażagħ, ikollhom sehem fil-kapital jew fil-ġestjoni tal-persuna ġuridika, il-bidwi żagħżugħ għandu jkun kapaċi jeżerċita dan il-kontroll b'mod individwali jew b'mod konġunt ma' bdiewa oħra.

Meta persuna ġuridika tkun ikkontrollata b'mod individwali jew b'mod konġunt minn persuna ġuridika oħra, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika li jkollha kontroll fuq dik il-persuna ġuridika l-oħra.

3.   Madankollu, il-benefiċjarju jista' jingħata perijodu ta' konċessjoni li ma jaqbiżx 36 xahar mid-data tad-deċiżjoni individwali tal-għoti tal-appoġġ, sabiex ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet relatati mal-kisba tal-ħiliet okkupazzjonali speċifikati fil-programm għall-iżvilupp rurali.”

(2)

L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Self kummerċjali għall-fondi mutwi

Meta s-sors tal-fondi għall-kumpens finanzjarju li jrid jitħallas mill-fondi mutwi msemmija fl-Artikoli 38, 39 u 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ikun self kummerċjali, it-tul ta' żmien tas-self għandu jkun bejn sena u ħames snin.”

(3)

Fl-Artikolu 13, il-frażi introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, meta l-appoġġ jingħata fil-forma ta' għotjiet, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal- pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).


DEĊIŻJONIJIET

22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/95

tal-21 ta' Jannar 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

(2)

Wara l-mewt ta' persuna nominata, il-Kunsill iqis li l-entrata għal din il-persuna jenħtieġ li titħassar mill-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2014/145/PESK tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK huwa emendat kif indikat fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna l-persuna li ġejja titħassar mil-lista li tinsab fl-Anness għad-Deċiżjoni 2014/145/PESK:

“150.

Iosif (Joseph) Davydovich KOBZON”


22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/96

tal-21 ta' Jannar 2019

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (1).

(2)

Żewġ persuni fiżiċi msemmija fl-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 mietu u jenħtieġ li l-entrati tagħhom jitneħħew minn dak l-Anness.

(3)

Jenħtieġ li l-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).


ANNESS

Fid-Deċiżjoni (PESK) 2016/849, l-Anness II, il-Parti (I)(A), jitneħħew l-entrati li ġejjin:

2.

CHU Kyu-Chang (D.O.B. 25.11.1928)

4.

KIM Yong-chun (D.O.B. 4.3.1935).


22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/97

tal-21 ta' Jannar 2019

b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (l-“Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija tal-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III, b'mod partikolari dawk il-miżuri relatati mat-tisħiħ, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC).

(3)

Fis-27 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) b'appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. Seba' Stati oħra saru Stati Parti għall-BTWC mill-adozzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK 'l hawn. Dik l-Azzjoni Konġunta skadiet fis-26 ta' Awwissu 2007.

(4)

Fl-20 ta' Marzu 2006, il-Kunsill adotta l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE (2) dwar l-armi bijoloġiċi u tossiċi, komplementari għall-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK b'appoġġ għall-BTWC. Dak il-Pjan ta' Azzjoni jipprevedi għall-użu effiċjenti ta' Miżuri biex Tinbena l-Fiduċja (CBMs) u l-Mekkaniżmu għall-Investigazzjoni ta' Każijiet ta' Użu Allegat ta' Armi Kimiċi u Bijoloġiċi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(5)

Fl-10 ta' Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK (3) b'appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. Tliet Stati oħra saru Stati Parti għall-BTWC mill-adozzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK 'l hawn, u diversi Stati bbenefikaw mill-assistenza pprovduta mill-esperti tal-Unjoni. Dik l-Azzjoni Konġunta skadiet fit-13 ta' Novembru 2008.

(6)

Is-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-BTWC iddeċidiet li tistabbilixxi l-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU), b'mandat ta' ħames snin (2007-2011), fi ħdan il-Fergħa ta' Ġinevra tal-Uffiċċju tan-NU għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) sabiex jiġi pprovdut appoġġ amministrattiv għal-laqgħat miftiehma mis-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, kif ukoll bħala appoġġ għall-implimentazzjoni komprensiva u l-universalizzazzjoni tal-BTWC u l-iskambju ta' CBMs.

(7)

Fit-18 ta' Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/429/PESK (4), dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni għas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-BTWC.

(8)

Is-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC iddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-ISU b'perijodu ieħor ta' ħames snin (2012-2016) u ddeċidiet li tespandi l-kompiti tagħha sabiex jinkludu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni għall-istabbiliment u l-amministrazzjoni tal-bażi tad-data għal talbiet u offerti ta' assistenza, il-faċilitazzjoni tal-iskambju assoċjat ta' informazzjoni fost l-Istati Parti, u l-appoġġ, kif meħtieġ, tal-implimentazzjoni mill-Istati Parti tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni.

(9)

Fit-23 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/421/PESK (5) b'appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. Sitt Stati oħra saru Stati Parti għall-BTWC mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2012/421/PESK 'il hawn u diversi Stati bbenefikaw mill-assistenza pprovduta mill-esperti tal-Unjoni.

(10)

Fis-16 ta' Novembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2096 (6) dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-BTWC.

(11)

It-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni ddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-ISU maqbul fis-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni, mutatis mutandis, għall-perijodu mill-2017 sal-2021.

(12)

Fit-18 ta' Jannar 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 (7) b'appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE. Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 'il hawn diversi ratifikazzjonijiet u adeżjonijiet żiedu s-Sħubija għall-BTWC għal 182 u diversi Stati bbenefikaw mill-assistenza pprovduta mill-esperti tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE, u li tibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK u 2008/858/PESK u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK, din id-Deċiżjoni sservi bħala għodda ta' politika operattiva biex tipprovdi segwitu u momentum essenzjali għall-attivitajiet imwettqa matul il-perijodu 2016-2018 fil-qafas tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 b'appoġġ għall-BTWC. Ser tiżgura s-sostenibbiltà ta' dawk l-attivitajiet u ser ittejjeb l-implimentazzjoni tal-objettivi milħuqa bħala eżitu tal-Laqgħat tal-Istati Parti għall-BTWC li saru f'Diċembru 2017 u 2018. B'mod partikolari, ser tappoġġa d-diskussjonijiet fil-Laqgħat tal-Esperti tal-BTWC fl-2019 u l-2020, kif ukoll it-tħejjijiet għad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Parti għall-BTWC fl-2021.

2.   Din id-Deċiżjoni hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

(a)

li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza li nkisbet permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/421/PESK u (PESK) 2016/51;

(b)

li ssir riflessjoni dwar il-ħtiġijiet speċifiċi espressi mill-Istati Parti kif ukoll minn Stati li mhumiex parti għall-BTWC fir-rigward ta' implimentazzjoni u universalizzazzjoni aħjar tal-BTWC;

(c)

li tiġi inkoraġġuta s-sjieda lokali u reġjonali tal-proġetti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom u biex tinbena sħubija bejn l-Unjoni u partijiet terzi fil-qafas tal-BTWC;

(d)

li tingħata attenzjoni partikolari fuq dawk l-attivitajiet li jiksbu riżultati konkreti u/jew li jingħata kontribut għal tfassil bikri ta' fehimiet komuni rilevanti għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC;

(e)

li jingħata appoġġ lill-Presidenti tal-laqgħat tal-BTWC, b'mod partikolari l-President tad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni, u li jsir l-aħjar użu mill-mandat tal-ISU;

(f)

li jingħata kontribut għall-avvanz tal-objettivi tal-paċi u s-sigurtà u ta' dawk marbuta mas-saħħa permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-BTWC mill-Istati Parti u tal-universalizzazzjoni tagħha.

3.   L-Unjoni għandha tappoġġa l-proġetti li ġejjin li jikkorrispondu għal miżuri tal-Istrateġija tal-UE:

(a)

appoġġ għall-universalizzazzjoni tal-BTWC;

(b)

żvilupp tal-kapaċità b'appoġġ għall-implimentazzjoni nazzjonali tal-BTWC;

(c)

it-trawwim ta' netwerks tal-bijosigurtà fin-Nofsinhar Globali;

(d)

appoġġ għall-programm intersessjonali u tħejjijiet għad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC;

(e)

stat ta' tħejjija tal-Istati Parti għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu aġenti bijoloġiċi u r-rispons għalihom;

(f)

għodod meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni, l-edukazzjoni u l-involviment.

Deskrizzjoni dettaljata ta' dawk il-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-UNODA. Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3) għandu jkun ta' EUR 3 029 856,79.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata b'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNODA. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-UNODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tara li tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(3).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Jannar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/184/PESK tas-27 ta' Frar 2006 b'appoġġ għall-Konvenzjoni tal-Armi Bioloġiċi u Tossiċi, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda tal-Massa (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51).

(2)  Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar armi bijoloġiċi u tossiċi, li jikkomplimenta l-Azzjoni Konġunta tal-UE b'appoġġ tal-BTWC (ĠU C 57, 9.3.2006, p. 1).

(3)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/858/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Distruzzjoni Massiva (ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/429/PESK tat-18 ta' Lulju 2011 dwar il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC) (ĠU L 188, 19.7.2011, p. 42).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 61).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2096 tas-16 ta' Novembru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u ta' Tossina u dwar il-Qerda Tagħhom (BTWC) (ĠU L 303, 20.11.2015, p. 13).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 tat-18 ta' Jannar 2016 b'appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 50).


ANNESS

1.   PROĠETTI

1.1.   Proġett 1: Appoġġ għall-universalizzazzjoni tal-BTWC

1.1.1.   Għan tal-proġett

Li tiġi promossa aderenza universali għall-BTWC billi l-Istati li mhumiex parti għall-Konvenzjoni jiġu mħeġġa jifhmu aħjar il-benefiċċji tal-għaqda mal-BTWC u li jkunu aktar involuti fil-laqgħat tal-BTWC u attivitajiet oħra. Dan il-proġett ser jappoġġa l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tat-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni dwar l-universalizzazzjoni tal-BTWC u jiżgura s-sostenibbiltà tal-isforzi mibdija bis-saħħa tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 wara s-Sessjoni ta' Ħidma dwar l-Universalizzazzjoni Reġjonali għar-reġjun tal-Paċifiku, li saret f'Fiġi f'Lulju 2017, u żewġ sessjonijiet ta' ħidma reġjonali mmirati lejn l-Istati li għadhom mhumiex parti għall-BTWC fl-Afrika tard fl-2018.

1.1.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

iżjed adeżjoni mal-BTWC fir-reġjuni ġeografiċi kollha;

(b)

fehim aħjar tal-BTWC fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, inkluż membri parlamentari, u/jew netwerking subreġjonali msaħħaħ dwar il-BTWC sabiex tiġi promossa s-sħubija fil-BTWC u l-implimentazzjoni tagħha;

(c)

aktar Stati li jikkommettu ruħhom li jissieħbu fil-BTWC u li qegħdin jieħdu passi lejn dak l-għan;

(d)

aktar Stati li mhumiex parti għall-BTWC li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet u laqgħat tal-BTWC.

1.1.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-Konferenzi ta' Reviżjoni tal-BTWC sostnew b'mod regolari li ż-żieda fis-sħubija fil-BTWC hija ta' importanza kbira. Madankollu, għad hemm 15-il Stat li mhumiex parti għall-BTWC, l-aktar fl-Afrika u l-Paċifiku. Għalhekk, dan il-proġett jinvolvi programmi speċifiċi li għandhom fil-mira erba' Stati li huma firmatarji iżda li għandhom ma humiex partijiet għall-BTWC sabiex jinkiseb progress sostantiv fil-proċess ta' ratifika/adeżjoni tagħhom. Dawk il-programmi ser jaħdmu mill-qrib ma' atturi rilevanti oħra, inkluż l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, il-Kumitat stabbilit taħt ir-Riżoluzzjoni 1540(2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, iċ-Ċentri ta' Eċċellenza CBRN tal-UE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (pereżempju ċ-Ċentru ta' Riċerka, Taħriġ u Informazzjoni dwar il-Verifikazzjoni (VERTIC — Verification Research, Training and Information Centre), il-Parlamentari għall-Azzjoni Globali u l-Istitut għall-Istudji fuq is-Sigurtà) biex jiġu żviluppati relazzjonijiet ta' ħidma kontinwa ma' korpi rilevanti reġjonali u subreġjonali, jiġi pprovdut materjali ta' informazzjoni adattati skont il-ħtieġa u jinbeda djalogu dirett mal-Istati fir-reġjun fil-mira.

Ser jitwettqu għadd ta' attivitajiet ta' universalizzazzjoni fil-pajjiż f'erba' Stati li mhumiex parti għall-BTWC. Dawk il-pajjiżi ser jintgħażlu fuq il-bażi tal-prospetti attwali fir-rigward tar-ratifika/adeżjoni fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Dawk l-attivitajiet jibnu fuq id-diskussjonijiet u l-eżiti ta' sessjonijiet ta' ħidma reġjonali preċedenti, billi jittrasferuhom għal kuntest nazzjonali, u jiġu adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Dawn jinvolvu t-tħejjija ta' pjan ta' ħidma ta' universalizzazzjoni għal kull Stat involut, bl-involviment ta' partijiet ikkonċernati nazzjonali. Jekk ikun possibbli u xieraq, dawk l-attivitajiet jistgħu jikkonsistu minn attività konġunta bejn Stati b'ċirkostanzi nazzjonali simili li bejniethom għaddejja kooperazzjoni mill-qrib. Oqsma ta' prijorità għall-attivitajiet ser ikunu l-għoti ta' materjal ta' informazzjoni speċifiku dwar il-benefiċċji tas-sħubija fil-BTWC, is-sensibilizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati nazzjonali, inkluż membri parlamentari u oħrajn li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, u l-promozzjoni tal-istabbiliment ta' koordinazzjoni nazzjonali dwar kwistjonijiet marbutin mal-BTWC.

Barra minn hekk, ser jiġu organizzati żewġ sessjonijiet ta' ħidma reġjonali, waħda għall-Afrika u waħda għar-reġjun Paċifiku, biex jittieħed vantaġġ mill-fatt li bosta Stati li mhumiex parti għall-BTWC huma ġeografikament qrib xulxin u biex jiġi inkoraġġut djalogu reġjonali sabiex jingħata sostenn lil dawn l-isforzi ta' universalizzazzjoni. Ser jiġi inkluż ukoll element ta' sponsorizzazzjoni sabiex uffiċjali ewlenin minn Stati li għadhom mhumiex parti għall-BTWC jinġiebu għal-laqgħat tagħha f'Ġinevra.

1.2.   Proġett 2: Żvilupp ta' kapaċitajiet b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC

1.2.1.   Għan tal-proġett

Dan il-proġett għandu l-għan li jissokta l-attivitajiet mibdija bis-saħħa tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51 fil-qafas tal-programmi ta' assistenza estiżi tagħha. L-għan ser ikun li l-isforzi jiġu kkonċentrati fuq mhux aktar minn ħames pajjiżi benefiċjarji billi jingħata appoġġ iffukat u sostnut fl-oqsma mitluba, matul il-perijodu ta' implimentazzjoni ta' tliet snin tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/51.

1.2.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

adozzjoni ta' miżuri leġislattivi jew amministrattivi xierqa, inkluż dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali, li jkopru l-ambitu sħiħ tal-projbizzjonijiet u l-miżuri preventivi previsti fil-BTWC u elaborati mit-Tmien Konferenza ta' Reviżjoni;

(b)

implimentazzjoni u infurzar effettivi biex jiġi pprevenut ksur tal-BTWC u biex jiġu imposti sanzjonijiet f'każ ta' ksur;

(c)

koordinazzjoni u netwerking aħjar fost il-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċess tal-BTWC, inkluż assoċjazzjonijiet tal-bijosikurezza nazzjonali u reġjonali, membri parlamentari u s-settur privat, sabiex tiġi promossa implimentazzjoni effettiva;

(d)

aktar trasparenza fost l-Istati Parti għall-BTWC;

(e)

ħolqien jew tisħiħ ta' mekkaniżmi nazzjonali għall-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa u għall-preżentazzjonijiet annwali tas-CBMs;

(f)

aktar Stati Parti jieħdu sehem fi skambju ta' CBMs fuq bażi regolari u kwalità mtejba tal-informazzjoni ppreżentata;

(g)

aktar Stati Parti jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tas-CBMs tagħhom b'mod elettroniku;

(h)

aktar Stati Parti jkunu għażlu punt ta' kuntatt nazzjonali għall-BTWC;

(i)

faċilitazzjoni ta' programmi ta' edukazzjoni, taħriġ, skambju u ġemellaġġ u mezzi oħra għall-iżvilupp tar-riżorsi umani fix-xjenzi u t-teknoloġija bijoloġiċi marbutin mal-implimentazzjoni tal-BTWC f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

1.2.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

B'dan il-proġett, l-UNODA ser jipprova jistabbilixxi kooperazzjoni attiva mal-Istati Membri, u esperti u istituzzjonijiet nazzjonali mill-UE li huma kapaċi jagħtu assistenza ta' kwalità għolja u rilevanti. Ser ikomplu jiġu ingaġġati esperti nnominati mill-Istati Membri għall-appoġġ, partikolarment dawk il-membri tar-roster ta' esperti tal-Unjoni stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/51. Barra minn hekk, l-UNODA ser jipprova jaħdem fi sħubija ma' istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti li għandhom għarfien espert partikolari u, fost affarijiet oħra, wettqu proġetti ta' assistenza fl-imgħoddi. L-UNODA ser ikompli wkoll jaħdem fi sħubija maċ-Ċentri Reġjonali tan-NU għall-Paċi u d-Diżarm, l-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja, iċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE dwar is-CBRN kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi (pereżempju VERTIC) u gruppi ta' riflessjoni (pereżempju l-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm).

F'dan il-proġett ukoll, ser isiru sa tliet eżerċizzji ta' evalwazzjoni bejn il-pari sabiex ikompli jikber l-appoġġ għal dan il-kunċett. L-eżerċizzji ser jibnu fuq l-eżerċizzji li saru minn Franza fl-2013, mill-pajjiżi BENELUX fl-2015, mill-Ġermanja fl-2016, mill-Marokk fl-2017 u mill-Georgia fl-2018. Dan il-kunċett jista' jkun għodda qawwija ta' bini ta' fiduċja u jwitti t-triq għal aktar kooperazzjoni bħala riżultat tal-identifikazzjoni ta' suġġetti rilevanti.

1.3.   Proġett 3: It-trawwim ta' netwerks tal-bijosigurtà fin-Nofsinhar Globali

1.3.1.   Għan tal-proġett

Dan il-proġett għandu l-għan li jipprovdi opportunitajiet ta' żvilupp ta' kapaċitajiet għal żgħażagħ li jfasslu l-politika, xjentisti żgħażagħ u akkademiċi żgħażagħ min-Nofsinhar Globali impenjati f'oqsma marbutin mal-BTWC. Il-proġett ser ikompli jibni fuq inizjattivi ta' suċċess bħall-Borża ta' Studju tal-UNODA għall-Paċi, jespandi fuq il-ħidma tagħhom u jiżgura l-kontinwità tal-isforzi li diġà saru. Barra minn hekk, il-proġett ser jagħmel kuntatt virtwali magħhom biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' netwerks ta' professjonisti żgħażagħ u jieħu vantaġġ minn materjal ta' taħriġ żviluppat mill-Unjoni (pereżempju għodod ta' tagħlim elettroniku żviluppati mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm).

1.3.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

il-promozzjoni tal-bini ta' kapaċitajiet, permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali, fil-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-kuntest tal-Artikolu X tal-BTWC;

(b)

aktar għarfien dwar il-BTWC fost iż-żgħażagħ li jfasslu l-politika, ix-xjentisti żgħażagħ u l-akkademiċi żgħażagħ min-Nofsinhar Globali;

(c)

l-istabbiliment ta' netwerks reġjonali u subreġjonali ta' prattikanti żgħażagħ fil-bijosigurtà u oqsma relatati;

(d)

il-promozzjoni tal-kunċett ta' “xjenza u innovazzjoni responsabbli” fost l-udjenza fil-mira;

(e)

il-promozzjoni ta' programmi ta' sensibilizzazzjoni, kodiċijiet ta' kondotta u standards għall-bijosikurezza u l-bijosigurtà;

(f)

diversità reġjonali akbar u diversità akbar ta' sessi fost l-esperti li jieħdu sehem f'laqgħat u diskussjonijiet tal-BTWC marbutin mal-bijosigurtà;

(g)

il-promozzjoni u l-użu ta' għodod u materjal edukattiv u ta' sensibilizzazzjoni żviluppati fil-qafas ta' Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti u minn istituti u entitajiet rilevanti.

1.3.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ser jiġu organizzati żewġ seminars f'Ġinevra fl-aktar żmien xieraq, li ser ilaqqgħu żgħażagħ min-Nofsinhar Globali biex jesponuhom għall-kunċett ta' negozjati multilaterali dwar id-diżarm u biex ikollhom kuntatt ma' diplomatiċi u esperti ta' livell għoli fil-qasam. Ser issir enfasi partikolari biex nisa żgħażagħ fin-Nofsinhar Globali jkunu mħeġġa jieħdu sehem.

1.4.   Proġett 4: Appoġġ għall-programm intersessjonali u t-tħejjijiet għad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC

1.4.1.   Għan tal-proġett

Dan il-programm jiffoka fuq il-mobilizzazzjoni tal-Istati Parti għall-BTWC lejn sehem attiv fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni billi jiġu organizzati erba' sessjonijiet ta' ħidma reġjonali jew subreġjonali u bl-għoti ta' opportunitajiet biex issir riflessjoni u diskussjoni fuq temi ewlenin tal-programm intersessjonali 2018-2020.

1.4.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

iżjed għarfien dwar il-BTWC u d-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni fl-2021 u s-sinifikat tagħha għall-evoluzzjoni futura tal-BTWC;

(b)

djalogu komprensiv u transreġjonali dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni;

(c)

l-iżvilupp ta' għadd ta' proposti għal inizjattivi ġodda li għandhom jiġu implimentati wara d-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni u appoġġ mifrux għall-adozzjoni tagħhom mid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni;

(d)

is-sehem attiv ta' esperti minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fil-laqgħat tal-2019 u l-2020 tal-programm intersessjonali u fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni.

1.4.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ser tiġi organizzata sensiela ta' sessjonijiet ta' ħidma reġjonali jew subreġjonali biex jiġu indirizzati t-temi tal-programm intersessjonali 2018-2020 u biex tingħata għajnuna lill-President tal-Konferenza ta' Reviżjoni li jmiss qabel id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni u matulha, bil-ħsieb tal-evoluzzjoni futura tal-BTWC., L-objettiv ta' dawk is-sessjonijiet ta' ħidma huwa li jiġi ffaċilitat fehim komuni fuq bażi reġjonali jew subreġjonali permezz tad-diskussjoni ta' proposti fuq kif għandu jsir progress fil-kwistjonijiet. Ser jiġu organizzati wkoll avvenimenti sekondarji f'Ġinevra waqt il-laqgħat tal-BTWC, kif xieraq. Dan ser jinkoraġġixxi l-formazzjoni ta' kostitwenza wiesgħa ta' Stati Parti favur tisħiħ inkrementali tal-BTWC.

Dan il-proġett ser jappoġġa wkoll il-programm ta' sponsorizzazzjoni li permezz tiegħu esperti minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat intersessjonali tal-BTWC u fid-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni f'Ġinevra.

Barra minn hekk, bi tħejjija għad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni, dan il-proġett jipproponi l-organizzazzjoni ta' konferenza internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, li għandha ssir f'Ġinevra, immirata lejn esperti governattivi, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u membri tal-industrija biex jinkorporaw il-fehmiet tagħhom fid-diskussjonijiet li mbagħad ser jgħinu biex jissawwar il-programm tad-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni.

1.5.   Proġett 5: L-istat ta' tħejjija tal-Istati Parti għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu aġenti bijoloġiċi u r-rispons għalihom

1.5.1.   Għan tal-proġett

Dan il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità ta' Stati Parti magħżula li jipprevjenu attakk b'armi bijoloġiċi u jirreaġixxu għalih. Ser jingħata taħriġ f'assistenza u protezzjoni minn esperti mill-Istati Membri u minn organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Ser jitfittxu sħubijiet ma' pajjiżi terzi biex jiġu ospitati dawn il-korsijiet ta' taħriġ u għall-użu tal-faċilitajiet meħtieġa. Dan it-taħriġ ser jirriżulta f'kapaċità preventiva aktar b'saħħitha u aktar reżiljenza kontra l-użu ħażin ta' aġenti bijoloġiċi, u kapaċità nazzjonali u reġjonali aħjar ta' rispons għal dan l-użu ħażin. Il-proġett ser jinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Parti biex irawmu l-ħolqien ta' netwerks reġjonali fir-reġjuni jew is-subreġjuni tagħhom biex itejbu kemm il-miżuri preventivi kollettivi tagħhom u r-rispons koordinat tagħhom għal attakk potenzjali b'armi bijoloġiċi.

1.5.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

kontribut għall-implimentazzjoni msaħħa tal-Artikolu VII tal-BTWC u għal fehim aħjar tal-isfidi prattiċi li għandha quddiemha l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

jingħata kontribut sostantiv għal-Laqgħat tal-2019 u l-2020 tal-Esperti dwar l-Assistenza, ir-Rispons u l-Istat ta' Tħejjija;

(c)

kontribut għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' rispons internazzjonali għal tifqigħat ta' mard li jittieħed, sew ta' oriġini naturali kif ukoll intenzjonati;

(d)

tisħiħ tal-kapaċitajiet fi Stati Parti magħżulin għall-identifikazzjoni u r-rappurtar ta' tifqigħat ta' mard li jittieħed jew attakki b'armi bijoloġiċi u għar-rispons għalihom, inkluż fl-oqsma tat-tħejjija, ir-rispons, u l-ġestjoni u l-mitigazzjoni tal-kriżijiet;

(e)

promozzjoni tal-importanza ta' sistemi tas-saħħa nazzjonali b'saħħithom bħala deterrent kontra l-użu potenzjali ta' armi bijoloġiċi;

(f)

kontribut għal kapaċità msaħħa fil-qafas tal-Mekkaniżmu għall-Investigazzjoni ta' Każijiet ta' Użu Allegat ta' Armi Kimiċi u Bijoloġiċi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU.

1.5.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Bħala parti minn dan il-proġett, ser jiġu organizzati għadd ta' korsijiet ta' taħriġ, eżerċizzji ta' simulazzjoni u/jew sessjonijiet ta' ħidma nazzjonali jew subreġjonali għall-Istati Parti magħżulin biex jiġi eżaminat it-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-gvernijiet, u jiġu promossi l-iskambju ta' informazzjoni u l-għoti ta' assistenza bejn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti sabiex jiġu evitati u jittaffew ir-riskji u l-impatt ta' attakk li jinvolvi aġenti bijoloġiċi. Dan ser jeżerċita u jevalwa l-prevenzjoni nazzjonali ta' inċidenti bijoloġiċi u l-istat ta' tħejjija għalihom u ser iżid l-għarfien dwar miżuri possibbli li għandhom jittieħdu biex jogħla l-livell tal-istat ta' tħejjija.

Dan il-proġett ser jinkludi wkoll sessjoni ta' ħidma inizjali ta' esperti f'Ġinevra biex jiġu esplorati l-ħtiġijiet b'rabta mal-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-BTWC u biex jitfasslu attivitajiet biex dawk il-ħtiġijiet jiġu mwieġba li ser ikunu integrati f'attivitajiet sussegwenti ta' dan il-proġett. L-attivitajiet ikunu msejsa fuq attivitajiet li saru minn atturi rilevanti bħaċ-Ċentri ta' Eċċellenza tas-CBRN tal-UE.

1.6.   Proġett 6: Għodod meħtieġa għall-komunikazzjoni, l-edukazzjoni u l-involviment

1.6.1.   Għan tal-proġett

Dan il-proġett għandu l-għan li jipproduċi għodod, materjali u approċċi konkreti u prattiċi sabiex permezz tagħhom ikun hemm l-attivitajiet deskritti fil-Proġetti 1 sa 5. Dawn l-għodod ser jiġu prodotti f'formati xierqa għall-udjenzi tagħhom, inkluż f'verżjonijiet stampati, u, b'mod ġenerali, ser jeħtieġu traduzzjoni għal-lingwi uffiċjali kollha tan-NU.

Dan il-proġett ser ikompli wkoll jipprovdi opportunitajiet ta' finanzjament flessibbli biex jiġi ġġenerat materjal edukattiv u ta' sensibilizzazzjoni biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-proġetti 1 sa 5 u tikber il-viżibbiltà tal-BTWC.

1.6.2.   Riżultati mistennija tal-proġett:

(a)

appoġġ għall-Proġetti 1 sa 5;

(b)

iżjed għarfien dwar il-kwistjonijiet ta' armi bijoloġiċi, imġiba responsabbli fil-qasam tax-xjenza, u kwistjonijiet etiċi fost l-istudenti u l-għalliema tagħhom;

(c)

tixrid mifrux ta' materjali informattivi dwar il-BTWC u l-kwistjonijiet usa' dwar l-użu ħażin potenzjali tal-bijoloġija.

1.6.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Għadd ta' proġetti diġà jistgħu jiġu identifikati, filwaqt li oħrajn ser ifeġġu ladarba jkun għaddej il-proġett. Fost il-proġetti li diġà jistgħu jiġu identifikati pereżempju, il-proposta ewlenija hija li tiġi prodotta pubblikazzjoni ta' tifkira fl-okkażjoni tal-ħamsin anniversarju tal-BTWC, li ser tiġi prodotta u tinxtered ma' udjenza wiesgħa biex jiżdied l-għarfien dwar il-ħolqien, l-evoluzzjoni u s-sinifikat kontinwu tal-BTWC fiż-żamma tal-paċi u s-sigurtà. It-traduzzjoni tas-sit elettroniku tal-BTWC u ta' materjali prodotti skont din id-Deċiżjoni u skont Deċiżjonijiet tal-Kunsill rilevanti oħra hija wkoll proġett identifikabbli u meħtieġ.

2.   ASPETTI TA' PROĊEDURA, KOORDINAZZJONI

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tinbeda minn Kumitat ta' Tmexxija bl-objettiv li jiġu stabbiliti proċeduri u modalitajiet għall-kooperazzjoni. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jeżamina regolarment l-implimentazzjoni tal-proġetti, mill-inqas darba kull sitt xhur, anke permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettroniċi.

Il-Kumitat ta' Tmexxija ser ikun magħmul minn rappreżentanti tar-RGħ u l-UNODA/BWTC-ISU.

L-applikazzjonijiet tal-Istati Parti, li mhumiex Stati Membri għal kwalunkwe assistenza u kooperazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandhom ikunu indirizzati lill-UNODA/BWTC-ISU. Il-UNODA/BWTC-ISU ser teżamina u tivvaluta dawk l-applikazzjonijiet, kif meħtieġ, u tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta' Tmexxija. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser jeżamina l-applikazzjonijiet għall-assistenza kif ukoll il-Pjanijiet ta' Azzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Fuq il-proposta tar-RGħ, u b'kont meħud tar-riżultati ta' diskussjonijiet fil-Kumitat ta' Tmexxija, ir-RGħ ser jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-pajjiżi benefiċjarji b'konsultazzjoni mal-gruppi ta' ħidma kompetenti tal-Kunsill.

Biex jiġu żgurati sjieda u sostenibbiltà qawwija ta' attivitajiet mibdija fl-Unjoni minn pajjiżi benefiċjarji, huwa maħsub li kull meta possibbli u meħtieġ, il-benefiċjarji magħżula jintalbu biex iħejju l-Pjanijiet ta' Azzjoni, li fost l-oħrajn, għandhom jispeċifikaw l-iskeda ta' żmien għat-twettiq ta' attivitajiet iffinanzjati, inkluż dawk iffinanzjati permezz ta' riżorsi nazzjonali, l-ambitu u t-tul tal-proġett, u l-partijiet ikkonċernati prinċipali. Il-UNODA/BWTC-ISU, jew l-Istati Membri, kif ikun il-każ, jistgħu jikkontribwixxu għat-tħejjija ta' dawk il-Pjanijiet ta' Azzjoni jekk ikun hemm bżonn. L-implimentazzjoni tal-proġetti ser issir skont il-Pjanijiet ta' Azzjoni.

3.   RAPPURTAR U VALUTAZZJONI

Il-UNODA/BWTC-ISU ser tippreżenta lir-RGħ rapporti ta' progress ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti. Barra minn hekk, ir-rapporti ser jiġu ppreżentati fuq attivitajiet ta' assistenza individwali li jsiru taħt il-Pjanijiet ta' Azzjoni stabbiliti għal pajjiżi benefiċjarji. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill għall-valutazzjoni tal-progress u l-evalwazzjoni globali tal-proġetti u s-segwitu possibbli.

Kull meta possibbli, l-Istati Parti għall-BTWC ser jiġu informati dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi. L-Istati Benefiċjarji ser ikunu mistennija li jirrapportaw lil-laqgħat tal-BTWC dwar it-twettiq u l-eżitu ta' attivitajiet implimentati għall-benefiċċju tagħhom u biex jagħtu rikonoxximent xieraq lill-appoġġ tal-Unjoni.

4.   PARTEĊIPAZZJONI TA' ESPERTI LI ĠEJJIN MINN STATI MEMBRI TAL-UE

L-involviment attiv ta' esperti ġejjin minn Stati Membri huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' din id-Deċiżjoni. Il-UNODA/BWTC-ISU ser tiġi inkoraġġuta tuża dawk l-esperti, inkluż permezz ta' aġġornament regolari tar-roster tal-esperti tal-Unjoni stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/51 dwar il-BTWC, miżmum mill-UNODA/BWTC-ISU. L-ispejjeż tal-missjoni tal-esperti relatati mal-implimentazzjoni ta' proġetti ser ikunu koperti taħt din id-Deċiżjoni.

Hu mistenni li meta jkunu previsti żjarat ta' assistenza, bħal assistenza legali jew assistenza bis-CBMs, żjara minn mhux aktar minn tliet esperti għal mhux aktar minn ħamest ijiem tkun ikkunsidrata bħala l-prattika standard. Jekk ma jkun jista' jiġi identifikat ebda espert tal-Unjoni għall-għoti ta' assistenza speċifika mitluba minn Stat Parti benefiċjarju, ser isiru sforzi biex jiġi identifikat u ingaġġat l-appoġġ ta' provvedituri esterni ta' assistenza b'għarfien espert fit-tema rilevanti li tkun trid tiġi indirizzata.

5.   TUL TA' ŻMIEN

L-implimentazzjoni tal-proġetti hija stmata li ddum b'kollox 36 xahar.

6.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 1 ser ikunu Stati mhux Parti għall-BTWC (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji) għal attivitajiet ta' universalizzazzjoni, inkluż is-settur privat, l-akkademja u l-NGOs fejn xieraq.

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 2, fir-rigward ta' attivitajiet ta' żvilupp ta' kapaċità, huma Stati Parti għall-BTWC, b'attenzjoni partikolari għal Stati li aċċedew reċentement għall-BTWC.

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 3 ser ikunu żgħażagħ li jfasslu l-politika, xjentisti żgħażagħ u akkademiċi żgħażagħ mill-Istati Parti għall-BTWC fin-Nofsinhar Globali involuti f'oqsma xjentifiċi u akkademiċi marbutin mal-BTWC.

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 4 ser ikunu uffiċjali minn Stati Parti, partikolarment dawk li jaħdmu fuq kwistjonijiet tal-BTWC, bħal dawk magħżulin bħala punti ta' kuntatt nazzjonali u dawk f'Missjonijiet Permanenti f'Ġinevra, u esperti nazzjonali oħrajn identifikati mill-Istati Parti nfushom.

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 5 ser ikunu għadd żgħir ta' Stati Parti magħżulin, li jkunu ntgħażlu fuq il-bażi ta' sejħa għal applikazzjonijiet, li ser ikollhom l-opportunità jieħdu sehem f'korsijiet ta' taħriġ, eżerċizzji ta' simulazzjoni u/jew sessjonijiet ta' ħidma nazzjonali/subreġjonali bil-għan li jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jipprevjenu attakk li jinvolvi armi bijoloġiċi u li jirreaġixxu għalih.

Il-benefiċjarji tal-Proġett Nru 6 ser ikunu dawk li jipproduċu l-materjali rilevanti kif ukoll dawk li jagħmlu użu minnhom, pereżempju studenti u għalliema, uffiċjali tal-industrija u NGOs.

7.   RAPPREŻENTANTI TA' PARTIJIET TERZI

Bil-għan li jiġu promossi s-sjieda reġjonali u s-sostenibbiltà tal-proġetti, il-parteċipazzjoni ta' esperti li mhumiex mill-Unjoni, inkluż dawk minn organizzazzjonijiet subreġjonali, reġjonali u internazzjonali rilevanti, ser tiġi ffinanzjata taħt din id-Deċiżjoni. Ser tiġi ffinanzjata l-parteċipazzjoni mill-UNODA/BWTC-ISU fis-sessjonijiet ta' ħidma u l-laqgħat tal-BTWC. Il-parteċipazzjoni tal-President tal-laqgħat tal-BTWC tista' tiġi ffinanzjata skont il-każ.

8.   ENTITÀ TA' IMPLIMENTAZZJONI — KWISTJONIJIET TA' PERSUNAL

Minħabba n-natura extra-baġitarja tal-attivitajiet previsti f'din id-Deċiżjoni għall-UNODA/BWTC-ISU, ser ikun meħtieġ persunal addizzjonali.

9.   VIŻIBBILTÀ TAL-UE

Il-UNODA/BWTC-ISU ser tieħu l-miżuri kollha xierqa biex tirreklama l-fatt li l-attivitajiet li saru jkunu ġew iffinanzjati mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-Manwali tal-Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-UE stabbiliti u ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-UNODA/BWTC-ISU ser tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' mmarkar u pubbliċità xierqa, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha, u jżidu l-għarfien dwar ir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni kif ukoll għarfien tal-appoġġ tal-Unjoni għal din id-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dak l-appoġġ. Il-materjal prodott mill-proġetti ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.


Rettifika

22.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 19/20


Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 179 tad-19 ta' Ġunju 2014 )

Fil-paġna 51, fl-Anness VII, fil-Punt 4, l-ewwel subparagrafu,

minflok:

“Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat”

aqra:

“Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li għandha tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat”.