ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 15

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 62
17ta' Jannar 2019


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/66 tas-16 ta' Jannar 2019 rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/67 tas-16 ta' Jannar 2019 li jimponi miżuri ta' salvagwardja fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar

5

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/68 tas-16 ta' Jannar 2019 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi ( 1 )

18

 

*

Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/69 tas-16 ta' Jannar 2019 li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi ( 1 )

22

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/70 tal-11 ta' Jannar 2019 li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta grafika u l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tixju u l-prodotti tat-tixju (notifikata bid-dokument C(2019) 3)  ( 1 )

27

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/66

tas-16 ta' Jannar 2019

rigward regoli dwar arranġamenti prattiċi uniformi għat-twettiq ta' kontrolli uffiċjali fuq pjanti, prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti applikabbli għal dik il-merkanzija

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), isiru minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri ċ-ċikli produttivi tal-pjanti rilevanti kif ukoll iċ-ċiklu tal-ħajja tal-pesti rilevanti kollha u l-vetturi tagħhom.

(2)

Jenħtieġ li l-frekwenza ta' dawk il-kontrolli tqis l-ispezzjonijiet minn tal-inqas darba fis-sena, u t-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar jekk ikun xieraq imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe spezzjoni, u kwalunkwe teħid ta' kampjuni u ttestjar imwettqa skont dak ir-Regolament ma jiġux ripetuti skont dan ir-Regolament.

(3)

Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(4)

L-operaturi professjonisti li jkunu implimentaw għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi, pjan għall-ġestjoni tar-riskju ta' pesti skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jipprovdu garanziji iktar affidabbli rigward il-livell ta' protezzjoni fitosanitarja fil-binjiet tagħhom u, fejn applikabbli, fil-postijiet l-oħra tagħhom. Għalhekk, jixraq li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq dawk l-operaturi għal minn tal-inqas darba kull sentejn.

(5)

Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Jenħtieġ li dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jittieħed l-ebda riskju fitosanitarju wara kwalunkwe kontroll uffiċjali normali u qabel iċ-ċaqliq tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ.

(6)

Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' protezzjoni fitosanitarja kif ukoll bħala deskrizzjoni ġenerali effettiva tal-importazzjoni ta' pjanti fl-Unjoni u r-riskji tagħhom, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kontrolli uffiċjali mal-wasla fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti, meta l-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 jiġu importati fit-territorju tal-Unjoni.

(7)

Jenħtieġ li l-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 jitwettqu minn tal-inqas darba fis-sena. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat kontroll regolari u konsistenti li jkopri r-riskji fitosanitarji assoċjati mal-produzzjoni u mal-kummerċ ta' dak it-tip ta' materjal. Jekk ikun meħtieġ, abbażi ta' kriterji relatati mar-riskju, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam imsemmija fl-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(8)

Peress li r-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625 japplikaw mill-14 ta' Diċembru 2019, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika wkoll minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu l-ispezzjonijiet u, fil-każ ta' suspett ta' riskji għas-saħħa tal-pjanti, it-teħid ta' kampjuni u l-ittestjar imsemmija fl-Artikolu 92(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jitwettqu fl-iktar żmien xieraq fir-rigward tal-possibbiltà li tiġi skoperta l-preżenza ta' pesti rilevanti jew ta' sinjali u ta' sintomi tagħhom.

Artikolu 2

Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu minn tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

iktar riskji fitosanitarji għall-familja, għall-ġenera jew għall-ispeċi speċifiċi tal-pjanti jew tal-prodotti mill-pjanti prodotti f'dawk il-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra, fejn iktar minn kontroll wieħed ikun meħtieġ minħabba l-bijoloġija tal-pesti jew il-kundizzjonijiet ambjentali;

(b)

ir-riskji fitosanitarji marbuta mal-oriġini jew mal-provenjenza ta' pjanti, ta' prodotti mill-pjanti jew ta' oġġetti oħra partikolari fl-Unjoni;

(c)

l-għadd ta' ċikli ta' produzzjoni f'sena;

(d)

l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625;

(e)

l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist.

Artikolu 3

Tnaqqis fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 1 għal minn tal-inqas darba kull sentejn, jekk ir-riskju jippermetti dan u jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operatur professjonist ikun implimenta pjan ta' ġestjoni tal-pesti għal minn tal-inqas sentejn konsekuttivi pjan skont l-Artikolu 91 tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(b)

l-awtorità kompetenti kkonkludiet li dak il-pjan kien effettiv fit-tnaqqis tar-riskji fitosanitarji rilevanti u li l-operatur professjonist ikkonċernat ikkonforma mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625.

Artikolu 4

Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u oġġetti oħra ta' oriġini jew ta' provenjenza partikolari fl-Unjoni

1.   Bini u, fejn applikabbli, postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex joħorġu passaporti tal-pjanti skont l-Artikolu 84(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 għandhom ikunu soġġetti għal minn tal-inqas kontroll uffiċjali wieħed minbarra dak imsemmi fl-Artikolu 1 jekk ikunu l-post ta' oriġini tal-pjanti, tal-prodotti mill-pjanti u ta' oġġetti oħra kif definit fil-punti (1), (2) u (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/2031, li jkunu tkabbru għal minn tal-inqas parti minn ħajjithom jew li jkunu ġew lokalizzati f'żona demarkata stabbilita skont l-Artikolu 18(1) ta' dak ir-Regolament, u li jista' jkun mistenni li jkunu infestati mill-pest li għalihom dik iż-żona demarkata ġiet stabbilita. Dak il-kontroll uffiċjali addizzjonali għandu jitwettaq kemm jista' jkun qrib il-mument meta dawk il-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jinħarġu 'l barra miż-żona demarkata jew miż-żona infestata għaż-żona ta' lqugħ ta' dik iż-żona demarkata.

2.   Meta jwettqu l-kontrolli uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-elementi li ġejjin:

(a)

ir-riskju li l-pjanti, il-prodotti mill-pjanti u l-oġġetti l-oħra jġorru l-pest rilevanti;

(b)

ir-riskju tal-preżenza ta' vetturi potenzjali ta' dak il-pest, filwaqt li jitqiesu l-oriġini jew il-provenjenza fl-Unjoni tal-konsenji, il-grad ta' suxxettibbiltà tal-pjanti għal infestazzjoni u l-konformità mill-operatur professjonist responsabbli għaċ-ċaqliq ma' kwalunkwe miżura oħra meħuda biex dak il-pest jinqered jew jitrażżan.

Artikolu 5

Frekwenza minima uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq il-pjanti msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031

Għandhom jitwettqu kontrolli tal-identità u kontrolli fiżiċi fuq il-pjanti li huma msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) 2016/2031 u li jidħlu fl-Unjoni fuq minn tal-inqas 1 % tal-konsenji ta' dawk il-pjanti.

Artikolu 6

Frekwenza uniformi tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli uffiċjali minn tal-inqas darba fis-sena fil-binjiet u, fejn applikabbli, f'postijiet oħra li jintużaw minn operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam skont l-Artikolu 98(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Dawk il-kontrolli għandhom jinkludu s-superviżjoni msemmija fl-Artikolu 98(3) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

Artikolu 7

Żieda fil-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-operaturi professjonisti awtorizzati biex iqiegħdu l-marka fuq il-materjal ta' imballaġġ magħmul mill-injam

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jżidu l-frekwenza tal-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 6, jekk ir-riskju jitlob dan, filwaqt li jqisu wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin:

(a)

iż-żieda fir-riskji fitosanitarji marbuta mal-preżenza tal-pesti fit-territorju tal-Unjoni;

(b)

il-materjal tal-imballaġġ magħmul mill-injam, pjanti oħra, il-prodotti mill-pjanti jew oġġetti oħra ġew soġġetti għal interċettazzjonijiet ta' pesti;

(c)

l-istorja ta' konformità tal-operatur professjonist mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolamenti (UE) 2016/2031 u (UE) 2017/625;

(d)

l-infrastruttura disponibbli u fejn jinsabu l-binjiet u, fejn applikabbli, il-postijiet l-oħra li jintużaw mill-operatur professjonist.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Diċembru 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).


17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/67

tas-16 ta' Jannar 2019

li jimponi miżuri ta' salvagwardja fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fis-16 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Italja skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament tal-GSP”). It-talba sejħet għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja li jikkonċernaw ir-ross tat-tip “Indica” li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar. Stati Membri oħra tal-Unjoni li jipproduċu r-ross jiġifieri Spanja, Franza, il-Portugal, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Bulgarija u l-Ungerija appoġġjaw it-talba li saret mill-Italja.

(2)

Wara li ddeterminat li t-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li r-ross Indica li joriġina fil-Myanmar u l-Kambodja ġie importat f'volumi u bi prezzijiet li jikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppubblikat, fis-16 ta' Marzu 2018, wara li infurmat lill-Istati Membri, Notifika ta' Bidu ta' investigazzjoni ta' salvagwardja (2).

(3)

Sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq valutazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni infurmat lill-produtturi magħrufa (“taħħana”) bil-prodotti simili jew direttament kompetittivi fl-Unjoni u l-assoċjazzjoni tagħhom, u t-taħħana esportaturi magħrufa u l-federazzjonijiet tagħhom, inklużi l-gvernijiet tagħhom, u stednithom jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

1.2.   Kampjunar

(4)

Fid-dawl tal-għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni, it-taħħana esportaturi u l-importaturi involuti f'dan il-proċediment u, sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-investigazzjoni għal għadd raġonevoli ta' taħħana individwali tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 (3), il-Kummissjoni bbażat l-investigazzjoni tagħha billi għażlet kampjun rappreżentattiv.

(5)

Fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet b'mod proviżorju kampjun ta' taħħana tal-Unjoni fuq il-bażi tal-ogħla volum rappreżentattiv tal-produzzjoni tal-prodott simili, filwaqt li żgurat firxa ġeografika. Filwaqt li r-ross jitkabbar fi tmien Stati Membri, il-produzzjoni hija kkonċentrata ħafna fl-Italja u fi Spanja: dawn iż-żewġ pajjiżi jirrappreżentaw 80 % tat-total tal-produzzjoni tar-ross fl-Unjoni (madwar 50 % fl-Italja u 30 % fi Spanja) u għalhekk huma rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkunsidrat bħala ġustifikat li tibgħat kwestjonarji lil tliet taħħana Taljani u taħħan Spanjol.

(6)

Parti waħda staqsiet jekk il-kampjun kienx rappreżentattiv. Talbet lill-Kummissjoni biex tikkonferma kemm kienu jirrappreżentaw bħala produzzjoni dawk li ttieħdu bħala kampjun meta mqabbla mal-produzzjoni totali tal-Unjoni u kif żviluppat is-sitwazzjoni tagħhom meta mqabbla mal-industrija tal-Unjoni. Kif spjegat, fil-premessa (5), l-għażla tal-kampjun kienet ibbażata fuq l-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni li seta' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. It-tliet taħħana Taljani fil-kampjun irrappreżentaw 50 % tal-produzzjoni Taljana matul is-sena kummerċjali 2016/2017 u t-taħħan Spanjol fil-kampjun kien jirrappreżenta 17 % tal-produzzjoni Spanjola fl-istess sena. Flimkien, it-taħħana li ttieħdu bħala kampjun kienu jirrappreżentaw 26 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, matul il-perjodu investigat, jiġifieri mill-1 ta' Settembru 2012 sal-31 ta' Awwissu 2017, il-produzzjoni tal-kumpaniji fil-kampjun żviluppat b'mod simili għall-produzzjoni tal-industrija kollha. Il-produzzjoni naqset b'36 % għall-produtturi fil-kampjun u bi 38 % tal-industrija kollha tal-Unjoni. Dan isaħħaħ il-konklużjoni li l-kampjun huwa tabilħaqq rappreżentattiv.

(7)

Intbagħtu wkoll kwestjonarji lil xi wħud mill-kultivaturi (“bdiewa”), iżda minħabba l-frammentazzjoni kbira tas-settur (madwar 4 000), dan jagħti biss stampa limitata ħafna tas-sitwazzjoni (4).

(8)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-għażla tal-esportaturi, il-Kummissjoni rċeviet total ta' 13-il tweġiba għall-eżerċizzju tat-teħid ta' kampjuni mit-taħħana esportaturi mill-Kambodja u 15-il tweġiba mingħand it-taħħana esportaturi mill-Myanmar. It-teħid ta' kampjuni kien għalhekk meħtieġ u l-partijiet kollha ġew infurmati b'dan. Abbażi tal-informazzjoni li waslet mingħand it-taħħana esportaturi, il-Kummissjoni inizjalment għażlet kampjun ta' tliet esportaturi fil-Kambodja u tliet esportaturi fil-Myanmar. Dawn intgħażlu fuq il-bażi tal-ogħla volum ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni. Madankollu, wara aktar valutazzjoni u kummenti li waslu mill-Federazzjoni Kambodjana tar-Ross, żewġ esportaturi mill-Kambodja ma kinux f'pożizzjoni li jikkooperaw u għalhekk ġew sostitwiti. Kumpanija waħda biss finalment wieġbet il-kwestjonarju. Fir-rigward tal-Myanmar, it-tliet kumpaniji magħżula finalment wieġbu l-kwestjonarju.

(9)

B'reazzjoni għan-notifika tal-bidu, erba' importaturi mhux relatati ppreżentaw lilhom infushom. Fid-dawl tan-numru limitat ta' importaturi li kkooperaw, it-teħid ta' kampjun ma tqiesx bħala meħtieġ. Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-erba' kumpaniji kollha, li madankollu mhux kollha pprovdew tweġiba kompluta.

1.3.   Żjarat ta' verifika

(10)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għall-investigazzjonijiet tagħha. Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1083/2013:

(a)

Taħħana:

Riso Scotti S.p.a. u l-kumpanija relatata (Riso Scotti Danubio), l-Italja;

Curti S.r.l. u l-kumpanija relatata (Riso Ticino Soc. Coop.), l-Italja;

Riso Viazzo S.r.l., l-Italja;

Herba Ricemills S.L., Spanja.

(b)

Assoċjazzjonijiet:

Ente Nazionale Risi (Enterisi), l-Italja

1.4.   Perjodu ta' investigazzjoni

(11)

L-investigazzjoni kopriet l-aħħar ħames snin ta' kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri mill-1 ta' Settembru 2012 sal-31 ta' Awwissu 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni”).

1.5.   Żvelar

(12)

Wara l-iżvelar, il-Kummissjoni rċeviet tmien sottomissjonijiet, inklużi sottomissjonijiet mill-Italja u Spanja. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll sottomissjonijiet minn tliet (3) kumpaniji u assoċjazzjoni waħda li ma kinux partijiet interessati. Anki jekk dawn il-partijiet ma kinux irreġistrati bħala partijiet interessati, il-kummenti tagħhom kienu fil-biċċa l-kbira ikkunsidrati u indirizzati fil-konklużjonijiet tal-Kummissjoni peress li fil-biċċa l-kbira kienu jikkorrispondu għal kummenti magħmula minn partijiet interessati rreġistrati.

2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI JEW LI JIKKOMPETI B'MOD DIRETT MIEGĦU

2.1.   Prodott ikkonċernat

(13)

Il-“prodott ikkonċernat” huwa ross nofsu mitħun jew ross Indica mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar li jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji doganali fid-dawl tar-Regolament GSP li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 1006 30 27, 1006 30 48, 1006 30 67 u 1006 30 98.

(14)

Il-prodott ikkonċernat jiġi importat fl-Unjoni bl-ingrossa, għal aktar ipproċessar (tħin, tindif u imballaġġ), jew fi xkejjer żgħar sa 5 kg jew bejn 5 kg u 20 kg li jistgħu jinbiegħu direttament minn bejjiegħa bl-imnut mingħajr ipproċessar ulterjuri.

2.2.   Prodott simili jew li jikkompeti b'mod dirett miegħu

(15)

Indica u Japonica huma ż-żewġ tipi ewlenin ta' ross. L-ewwel tip huwa ross tal-ħabba twila li jibqa' separat wara t-tisjir. It-tieni tip, Japonica, huwa tip ta' ross pjuttost tond. Ir-ross isir iwaħħal u jintuża għal dixxijiet bħal paella jew risotto.

(16)

Meta r-ross jinħasad, ikollu qoxra u huwa msejjaħ “ross bil-ħliefa (paddy)”. Wara l-ħsad, ir-ross jgħaddi minn serje ta' proċessi ta' tħin. “Ross bla ħliefa” huwa r-ross li minnu tneħħiet il-ħliefa. Huwa meħtieġ aktar tħin biex jinkiseb ross “nofsu mitħun” jew “ross mitħun”.

(17)

F'din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ddeterminat li r-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun prodott fl-Unjoni huwa simili jew jikkompeti direttament mal-prodott ikkonċernat.

(18)

Ir-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun kemm dak prodott fl-Unjoni kif ukoll dak impurtat tabilħaqq għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi. Għandhom l-istess użu u jinbiegħu permezz ta' kanali tal-bejgħ simili jew identiċi, lill-istess tip ta' klijenti. Dawn il-klijenti huma jew bejjiegħa bl-imnut jew proċessuri fl-Unjoni.

2.3.   Kummenti mill-partijiet

(19)

Wara l-iżvelar, diversi partijiet interessati (5) sostnew li r-ross Indica aromatiku għandu jiġi eskluż mill-ambitu tal-investigazzjoni peress li għandu karatteristiċi differenti minn tipi oħra ta' ross Indica u billi ma jikkompetix mar-ross prodott fl-Unjoni. Sostnew ukoll li r-ross aromatiku, sa mill-2017, ilu kklassifikat taħt kodiċi NM differenti, u dan isaħħaħ il-konklużjonijiet li dan it-tip ta' ross huwa differenti mill-oħrajn.

(20)

L-ewwel nett, u kif ikkonfermat minn diversi partijiet interessati, ir-ross Indica jkopri firxa wiesgħa ta' tipi speċifiċi ta' ross u varjetajiet tar-ross, inkluż ross ifuħ jew aromatiku. Anke jekk hemm differenzi żgħar bejn dawn it-tipi kollha, pereżempju fit-togħma u fl-istruttura, xorta kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi.

(21)

Barra minn hekk, dawn it-tipi differenti kollha jservu l-istess użu finali, huma mitħunin mill-istess taħħana, jinbiegħu permezz tal-istess mezzi kummerċjali u jikkompetu ma' xulxin. Il-fatt li mill-2017 hemm kodiċi NM speċifiku għar-ross aromatiku mhux rilevanti peress li, kif imsemmi fin-Notifika tal-Bidu, il-kodiċijiet NM qed jingħataw għal skopijiet ta' informazzjoni biss u mhumiex fattur deċiżiv għad-definizzjoni tal-prodott fi ħdan il-qafas tal-investigazzjoni dwar id-difiża tal-kummerċ. Għalhekk it-talbiet ma ntlaqgħux.

3.   L-EŻISTENZA TA' DIFFIKULTAJIET SERJI

3.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(22)

Skont ir-regolament tal-GSP, l-industrija relevanti għandha tikkonsisti f'taħħana ta' prodotti simili jew li jikkompetu direttament miegħu. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti f'taħħana tar-ross. Taħħana tar-ross jipproċessaw ross ikkultivat/prodott fl-Unjoni li jikkompeti direttament mar-ross Indica mitħun jew nofsu mitħun esportat mill-Myanmar jew mill-Kambodja.

(23)

Fit-talba tagħha, l-Italja argumentat li, minħabba l-interrelazzjoni mill-qrib bejn il-bdiewa u t-taħħana, jenħtieġ li kemm it-taħħana kif ukoll il-bdiewa jiġu eżaminati għall-valutazzjoni tad-dannu. Għalkemm is-sitwazzjoni tal-bdiewa tista' tkun ukoll affettwata b'mod qawwi mill-importazzjonijiet tar-ross mill-Kambodja u mill-Myanmar, jenħtieġ li dawn ikunu kkunsidrati bħala fornituri ta' materja prima, iżda mhux bħala taħħana ta' prodotti simili jew li jikkompetu direttament miegħu.

3.2.   Konsum tal-Unjoni

(24)

Il-konsum tar-ross Indica fl-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tad-data miġbura mill-Istati Membri mill-Kummissjoni u l-istatistika tal-importazzjoni disponibbli permezz tal-Eurostat (6).

(25)

Il-konsum fl-Unjoni żviluppa kif ġej:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Total tal-konsum tal-Unjoni (f'tunnellati)

1 061 793

1 146 701

1 090 662

1 040 969

993 184

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

108

103

98

94

Sors: Data miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri u l-Eurostat — ekwivalenti għar-ross Indica mitħun

(26)

Il-konsum tar-ross Indica fl-Unjoni naqas b'6 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-ogħla konsum intlaħaq fl-2013/2014 (+ 8 %) li ħabat ma' żieda importanti fl-importazzjonijiet ta' ross Indica mill-Kambodja u mill-Myanmar li wassal għas-saturazzjoni tas-suq. Fis-snin ta' kummerċjalizzazzjoni ta' wara, ix-xejra tal-konsum tidher li naqset.

3.3.   L-iżvilupp tal-importazzjonijiet

(27)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-Kambodja u mill-Myanmar tal-prodott ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

 

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Il-Kambodja

tunnellata

163 337

228 878

251 666

299 740

249 320

indiċi

100

140

154

184

153

Il-Myanmar

tunnellata

2 075

28 856

52 680

36 088

62 683

indiċi

100

1 391

2 539

1 739

3 021

Ammont totali

tunnellata

165 412

257 734

304 346

335 828

312 003

indiċi

100

156

184

203

189

Sors: Statistika tal-Eurostat (ekwivalenti għar-ross mitħun jew nofsu mitħun (Għall-finijiet tal-konverżjoni ta' kwantitajiet relatati mal-istadji varji tal-ipproċessar tar-ross (bil-ħliefa (paddy), mingħajr ħliefa, nofsu mitħun jew mitħun), ġiet iffissata rata ta' konverżjoni mill-Kummissjoni fir-Regolament (KE) Nru 1312/2008 tad-19 ta' Diċembru 2008 li jiffissa r-rati ta' konverżjoni, il-kostijiet tal-ipproċessar u l-valur tal-prodotti derivati għall-istadji varji tal-ipproċessar tar-ross (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 56). Pereżempju, ir-rata ta' konverżjoni bejn ross Indica bla ħliefa u ross Indica mitħun hija ta' 0,69. Dan japplika kemm għall-importazzjonijiet kif ukoll għar-ross prodott fl-Unjoni) u data miġbura mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' data riċevuta mill-Istati Membri.

(28)

Il-volumi tal-importazzjoni mill-Kambodja żdiedu minn 163 000 tunnellata għal 249 000 tunnellata. Dawn żdiedu b'mod sinifikanti sal-2015/2016 u mbagħad naqsu kemm kemm minħabba tnaqqis fil-konsum fl-2016/2017. Minkejja t-tnaqqis, l-importazzjonijiet baqgħu 50 % ogħla mill-2012/2013. Il-Kambodja fl-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni kienet tirrappreżenta 25 % tal-importazzjonijiet totali.

(29)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Myanmar, dawn żdiedu wkoll b'mod sinifikanti matul il-perjodu ta' investigazzjoni, minn 2 000 tunnellata għal 62 000 tunnellata. Madankollu baqgħu f'livell aktar baxx meta mqabbla mal-Kambodja. L-importazzjonijiet mill-Myanmar irrappreżentaw 6,3 % tal-importazzjonijiet totali tar-ross fl-Unjoni fi tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (ikkumpara mat-tabella dwar is-sehem mis-suq, hawn taħt).

(30)

F'termini ta' ishma tas-suq, l-importazzjonijiet żviluppaw hekk:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Is-sehem mis-suq tal-Kambodja (%)

15,4

20,0

23,1

28,8

25,1

Is-sehem mis-suq tal-Myanmar (%)

0,2

2,5

4,8

3,5

6,3

Ammont totali

15,6

22,5

27,9

32,3

31,4

Sors: Data tal-Eurostat miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri f'ekwivalenti għar-ross mitħun

(31)

Il-Kambodja żiedet b'mod sinifikanti s-sehem tagħha mis-suq minn 15,4 % għal 25,1 % filwaqt li s-sehem mis-suq tal-Myanmar żdied minn 0,2 % għal 6,3 %.

(32)

L-iżvilupp tal-prezzijiet segwa t-tendenzi li ġejjin:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Il-prezz tal-importazzjoni mill-Kambodja (EUR/tunnellata)

588,4

512,8

562,6

547,4

552,2

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

87

96

93

94

Il-prezz tal-importazzjoni mill-Myanmar (EUR/tunnellata)

420,0

366,5

414,7

410,1

405,4

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

87

99

98

97

Medja ponderata

586,3

496,2

536,7

532,6

523,1

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

85

92

91

89

Sors: Il-Eurostat

(33)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni globali tal-Kambodja naqsu b'6 %, filwaqt li l-prezz tal-importazzjoni tal-Myanmar naqas bi 3 %. Minkejja t-tnaqqis limitat fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar, abbażi tal-paragun tal-prezz medju ta' importazzjoni mal-prezzijiet unitarji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni (ara l-premessa (64), il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar (ibbażati fuq id-data tal-Eurostat) instab li t-tnejn li huma kienu qed iwaqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni bi 22 % u 43 % rispettivament.

(34)

Wara l-iżvelar, il-Ministeru tal-Kummerċ tal-Kambodja (minn hawn 'il quddiem “il-Kambodja”) qajjem dubji dwar il-metodoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-marġnijiet ta' twaqqigħ tal-prezzijiet. Huma sostnew li l-kostijiet ta' wara l-importazzjoni ma ġewx miżjuda biex jiġi kkalkulat il-prezz tal-esportazzjoni tal-Kambodja u li t-twaqqigħ tal-prezz kien ibbażat fuq paragun bejn il-prezzijiet medji, mingħajr ma ġie kkunsidrat il-livell differenti tal-kummerċ. Il-Kambodja staqsiet ukoll jekk id-data pprovduta mill-esportaturi li kkooperaw kinitx użata għad-determinazzjoni tad-dannu.

(35)

Fid-dawl tal-argumenti li waslu wara l-iżvelar, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrevedi l-kalkoli tagħha dwar it-twaqqigħ, sabiex tinkludi l-kostijiet rilevanti ta' wara l-importazzjoni jew tat-trasport, biex jirriflettu d-differenzi fil-livell tal-kummerċ li jaffettwa l-kumparabbiltà tal-prezzijiet u biex tuża d-data pprovduta mill-esportaturi li kkooperaw, sa fejn hu possibbli.

(36)

Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni ddeċidiet li taġġusta l-prezzijiet tal-importazzjoni kif sostniet il-Kambodja, billi qieset il-kostijiet ta' wara l-importazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li jenħtieġ li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni jiġu aġġustati ukoll sabiex jitqiesu l-kostijiet tat-trasport tar-ross min-Nofsinhar tal-Ewropa (l-Italja u Spanja f'dan il-każ) lejn it-Tramuntana tal-Ewropa minħabba li l-kompetizzjoni għar-ross nofsu mitħun jew mitħun fil-biċċa l-kbira ssir fit-Tramuntana tal-Ewropa. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli (id-data miksuba fil-qafas tal-investigazzjoni preċedenti dwar prodott ieħor tal-ikel, jiġifieri satsuma), il-Kummissjoni stmat li l-kostijiet ta' wara l-importazzjoni huma ta' madwar 2 % tal-prezz tal-importazzjoni u tal-kostijiet tat-trasport fl-Unjoni huma stmati għal EUR 49/tunnellata, fuq il-bażi tal-informazzjoni inkluża fl-ilment u vverifikata matul l-investigazzjoni fuq il-post.

(37)

Barra minn hekk, sabiex tirrifletti d-differenzi fil-livelli ta' kummerċ, il-Kummissjoni wettqet it-tqabbil tal-prezzijiet bejn il-bejgħ ta' ross mitħun bl-ingrossa u l-bejgħ f'pakketti żgħar. Ta' min jinnota li, abbażi tal-istatistika derivata mill-kodiċijiet NM, filwaqt li l-Kambodja tesporta ross bl-ingrossa u f'pakketti żgħar, l-Myanmar jesporta kważi esklussivament ross bl-ingrossa.

(38)

Fl-aħħar nett, ġie deċiż li jiġi ddeterminat il-prezz tal-esportazzjoni abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li waslu mingħand il-produtturi esportaturi. Fil-każ tal-Kambodja, peress li esportatur Kambodjan wieħed biss wieġeb għall-kwestjonarju, l-eżerċizzju tal-kampjun falla. Billi l-esportatur li kkoopera jirrappreżenta biss porzjon żgħir ħafna tal-importazzjonijiet mill-Kambodja, il-Kummissjoni kellha tagħmel użu mill-aħjar fatti disponibbli, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1083/2013. Il-prezzijiet tal-Eurostat kienu għalhekk użati fil-każ tal-Kambodja. Għall-Mjanmar, intużaw il-prezzijiet mit-tweġibiet għall-kwestjonarju.

(39)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-twaqqigħ tal-prezz għal bejgħ bl-ingrossa huwa ta' 13 % għall-Kambodja u 43 % għall-Mjanmar. Fir-rigward tat-tqabbil tal-prezzijiet tar-ross imballat, it-twaqqigħ tal-prezz misjub kien ta' 14 % għall-Kambodja.

(40)

B'hekk, din id-differenza fil-prezz bejn ir-ross importat u dak prodott fl-Unjoni hija sinifikanti b'mod partikolari meta jitqies li r-ross b'mod ġenerali huwa prodott sensittiv għall-prezz. B'mod ġenerali, il-konsumaturi ma jagħmlu l-ebda distinzjoni bejn oriġini differenti.

(41)

Il-Kambodja sostniet ukoll li d-determinazzjoni tal-Kummissjoni ta' diffikultajiet serji kienet ibbażata fuq valutazzjoni kumulattiva tal-volum u l-effett tal-prezz tal-importazzjoni tar-ross mill-Kambodja u mill-Myanmar. Madankollu, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata minħabba li l-analiżi ta' hawn fuq tiddistingwi b'mod ċar is-sitwazzjoni bejn il-Kambodja u l-Myanmar.

(42)

Bħala konklużjoni, l-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar żdiedu b'mod sostanzjali f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' sehem mis-suq matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Anki jekk il-volum tal-importazzjoni kkombinat naqas bi ftit fl-2016/2017, huwa baqa' kumplessivament ħafna ogħla milli fil-bidu tal-perjodu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni taż-żewġ pajjiżi naqas matul il-perjodu tal-investigazzjoni u waqqa' b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni.

3.4.   Qagħda Ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.4.1.   Kummenti ġenerali

(43)

Skont l-Artikolu 23 tar-Regolament GSP, jenħtieġ li jitqies li jeżistu diffikultajiet serji fejn taħħana tal-Unjoni jsofru deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika u/jew finanzjarja tagħhom. Meta teżamina jekk teżistix degradazzjoni bħal dik, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-fatturi elenkati fl-Artikolu 23 dwar it-taħħana tal-Unjoni, fejn tali informazzjoni tkun disponibbli:

(44)

Kif imsemmi fil-premessa (5), il-Kummissjoni użat it-teħid ta' kampjuni għad-determinazzjoni ta' diffikultajiet serji mġarrba mill-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi determinat id-dannu tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi.

(45)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi (is-sehem mis-suq, il-produzzjoni, u l-istokkijiet — l-importazzjonijiet huma analizzati hawn fuq) abbażi tad-data ġenerali tas-suq miġbura fuq bażi ta' kull xahar abbażi tar-ross mibdul f'ekwivalenti ta' ross mitħun. Data affidabbli dwar il-fallimenti u l-impjiegi għall-industrija tal-Unjoni mhijiex disponibbli u għalhekk ma setgħetx tiġi inkluża fl-analiżi.

(46)

Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi (il-prezzijiet u l-profittabilità) ibbażati fuq id-data vverifikata fil-livell tal-kampjun. Fin-nuqqas ta' data fil-livell makro, il-kapaċità tal-produzzjoni ġiet analizzata wkoll fil-livell tal-kampjun.

3.4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

(47)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni żviluppa kif ġej:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Ishma mis-suq (%)

61,4

54,8

46,7

40,5

39,3

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

101

80

66

62

Sors: Data tal-Eurostat miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri

(48)

L-ishma mis-suq ukoll waqgħu b'mod sinifikanti minn 61 % għal 39 %, jiġifieri tnaqqis ta' aktar minn 20 punt perċentwali.

(49)

Il-produzzjoni tar-ross Indica mill-industrija tal-Unjoni segwiet ukoll xejra ta' tnaqqis sinifikanti matul il-perjodu ta' investigazzjoni:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Volum tal-produzzjoni (f'tunnellati)

685 183

692 740

547 908

449 313

423 962

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

101

80

66

62

Sors: Data tal-Eurostat miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri

(50)

Il-produzzjoni naqset bi kważi 40 % minn 685 000 tunnellata għal 424 000 tunnellata.

(51)

L-istokkijiet tar-ross mitħun fl-Unjoni żdiedu b'4 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni minn 255 000 tunnellata għal 265 000 tunnellata. L-ewwel żdiedu b'mod sinifikanti bi 11 % u mbagħad naqsu bi ftit.

(52)

Il-Kambodja wara l-iżvelar sostniet li d-data tal-produzzjoni tal-Unjoni hija difettuża peress li d-datatal-produzzjoni tal-Unjoni mingħajr id-data dwar il-bejgħ ma taqbilx l-istokk tal-għeluq kif irrappurtat hawn taħt. Fil-fatt, il-Kummissjoni pprovdiet biss kalkolu parzjali peress li d-data ma tirriflettix l-istokk tal-ftuħ, l-użu tar-ross bħala żerriegħa, eċċ. Madankollu, il-kalkolu huwa konformi mal-kalkolu tal-karta tal-bilanċ li qed jintuża mill-Kummissjoni (ara l-premessa (24).

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Stokkijiet tal-Għeluq (tunnellati)

255 301

280 507

283 126

272 136

264 766

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

110

111

107

104

Sors: Data tal-Eurostat miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri

(53)

Fin-nuqqas ta' data fil-livell makro tal-kapaċità tal-produzzjoni, il-Kummissjoni eżaminat din id-data fil-livell tal-kampjun. Iż-żona ddedikata liż-żieda tar-ross Indica fl-Unjoni madankollu tagħti indikazzjoni pjuttost tajba ta' ross Indica disponibbli għat-taħħana, u għalhekk l-użu potenzjali tal-kapaċità tagħhom. Ġeneralment, dan il-qasam wera tnaqqis ta' 37 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni u żviluppat hekk:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Erja (ettari)

145 781

145 783

124 270

101 865

91 685

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

100

85

70

63

Sors: Data tal-Eurostat miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri

3.4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

(54)

Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju li waslu mingħand l-għassara tal-Unjoni, il-prezzijiet u l-profittabbiltà żviluppaw kif ġej:

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Prezz (EUR/tunnellata)

667,3

649,5

693,3

728,3

711,5

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

97

104

109

107

Profitabbiltà (%)

1,4

0,1

1,5

4,3

1,2

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

8

107

312

88

Sors: It-tweġibiet għall-kwestjonarju (Id-dejta pprovduta mit-taħħana hija bbażata fuq is-snin kalendarji u mhux fuq is-snin ta' kummerċjalizzazzjoni. Minħabba l-fatt li hemm koinċidenza sinifikanti bejn dawn il-perjodi, it-tendenzi madankollu jibqgħu rappreżentattivi għall-perjodu ta' investigazzjoni.)

(55)

Il-prezzijiet ta' unità ta' dawk li ttieħdu bħala kampjun żdiedu b'7 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Abbażi tar-riżultat tal-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni, jidher li minħabba l-pressjoni dejjem tiżdied tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi, il-produtturi tal-Unjoni li ttieħdu fil-kampjun iddeċidew, meta jkun possibbli, li jikkonċentraw il-bejgħ tagħhom fuq volumi iżgħar ta' ross Indica nofsu mitħun jew mitħun u li jiffokaw fuq prodotti tad-ditta minflok ibigħu b'tikketta privata lid-distributuri.

(56)

Billi biddlu t-taħlita tal-prodott oriġinali tagħhom, it-taħħana tal-Unjoni kienu kapaċi jżommu livell stabbli ta' profittabbiltà għad-detriment tas-sehem tagħhom mis-suq, li naqas b'mod drammatiku. Madankollu, din il-bidla fit-taħlita tal-prodott setgħet għenet speċjalment fl-2015/2016 (meta l-profittabilità saħansitra żdiedet), iżda fl-2016/2017, il-livelli tal-profitt kienu reġgħu naqsu. F'sitwazzjoni fejn instab li l-prezzijiet tal-importazzjoni waqqgħu b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni 2016/2017 (sat-22 u 43 % rispettivament), din l-istrateġija tista' tkun biss soluzzjoni għal żmien qasir. Fil-futur qrib it-taħħana se jiffaċċjaw iktar pressjoni bil-prezzijiet tal-importazzjoni baxxi. Tabilħaqq, il-Kambodja diġà ċċaqalqet parzjalment minn bejgħ bl-ingrossa għal bejgħ ta' prodotti żgħar ippakkjati li jinbiegħu fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Dan il-mezz ta' bejgħ huwa aktar rimunerattiv meta mqabbel mal-bejgħ bl-ingrossa u huwa probabbli li l-Kambodja se tbigħ u tikkompeti dejjem aktar mal-industrija tal-Unjoni f'dan il-livell, inkluż fuq swieq speċjalizzati.

(57)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-profittabbiltà, dan il-livell baqa' f'livell relattivament stabbli — iżda baxx — peress li ż-żieda fil-prezz tista' tikkumpensa għat-telf fil-volum. Barra minn hekk, il-livell ta' profittabbiltà ta' 1 %–2 % huwa ferm inqas mis-6 % li jitqies li huwa l-livell adegwat ta' profittabbiltà meħtieġ biex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, ir-riċerka u l-iżvilupp (R&D) u l-innovazzjoni.

(58)

Wara l-iżvelar, parti waħda talbet aktar informazzjoni dwar is-6 % użat fil-paragrafu ta' hawn fuq. Bil-modernizzazzjoni tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ fl-2018, ġie stabbilit fil-leġiżlazzjoni rispettiva li meta jiġi kkalkulat il-marġni ta' dannu, il-livell ta' profitt li għandu jkun mistenni f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni ma għandux ikun inqas minn 6 % (7). Dan il-parametru referenzjarju użat fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ huwa rilevanti wkoll f'investigazzjoni ta' salvagwardja. Dan jispjega għaliex il-Kummissjoni użat ukoll f'dan il-każ dan il-parametru referenzjarju.

(59)

Il-kapaċità ta' produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għall-prodotti simili, jiġifieri ross Indica, hija diffiċli biex tiġi vvalutata minħabba li l-industrija tal-ipproċessar tista' tuża l-kapaċità tagħha biex tipproduċi ross Indica u Japonica kemm jekk importat u kemm jekk imkabbar fl-Unjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda makro data disponibbli (ara hawn fuq). Abbażi tal-kampjun, l-użu tal-kapaċità, kif muri hawn taħt, naqas minn 22 % għal 14 %. Filwaqt li dawn il-perċentwali jistgħu jidhru relattivament baxxi minħabba li huma bbażati fuq tqabbil tal-produzzjoni tal-prodott simili (ross Indica) meta mqabbla mal-kapaċità tal-produzzjoni installata għat-tipi kollha tar-ross.

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

Kapaċità. Utilizzazzjoni (%)

22,1

21,1

19,0

13,0

14,0

Indiċi (2012/2013 = 100)

100

96

86

59

64

Sorsi: It-tweġibiet għall-kwestjonarju

3.4.4.   Konklużjoni

(60)

Bħala konklużjoni, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar f'termini ekonomiċi. Filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar żdiedet b'mod sostanzjali f'termini assoluti, l-industrija tal-Unjoni tilfet madwar 6 % tas-sehem mis-suq għall-Myanmar u 10 % għall-Kambodja. L-industrija tal-Unjoni kienet ukoll soġġetta għal twaqqigħ sinjifikanti tal-prezz ta' 22 % u 43 %. Il-produzzjoni fl-Unjoni kompliet tonqos bi 38 %. Id-diffikultajiet ekonomiċi għalhekk immaterjalizzaw prinċipalment f'termini ta' volum matul il-perjodu ta' investigazzjoni. It-taħħana tal-Unjoni ddeċidew li ma jnaqqsux il-livell tal-prezzijiet tagħhom minkejja l-kompetizzjoni tal-importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi u żammew ċertu livell ta' profitt. Fejn possibbli, it-taħħana tal-Unjoni tabilħaqq iddeċidew li jibdlu t-taħlita tagħhom tal-prodotti u jiffokaw fuq segmenti speċjalizzati u prodotti tad-ditta sabiex iżommu l-livell ta' profitt tagħhom minkejja tnaqqis fil-bejgħ u l-volum tal-produzzjoni tagħhom. Madankollu, din hija biss soluzzjoni temporanja peress li l-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar diġà imxew, għalkemm sa ċertu punt, minn bejgħ bl-ingrossa għal bejgħ żgħir ippakkjat, li jikkompeti wkoll mal-industrija tal-Unjoni fil-livell tal-bejgħ bl-imnut. Huwa mistenni li ż-żewġ pajjiżi jżidu l-importazzjonijiet bi prezz baxx fuq dan il-kanal ta' bejgħ rimunerattiv, u jikkompetu wkoll fi swieq speċjalizzati u prodotti tad-ditta, b'konsegwenzi negattivi anke għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

4.   KAWŻALITÀ

(61)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li hemm rabta kawżali bejn il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat min-naħa u d-diffikultajiet serji tat-taħħana tal-Unjoni fuq in-naħa l-oħra, fuq il-bażi li ġejja. Il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk id-diffikultajiet serji humiex attribwibbli għal fatturi għajr l-importazzjonijiet u l-prezzijiet.

4.1.   L-effetti tal-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar

(62)

Il-graff ta' hawn taħt tistabbilixxi b'mod ċar koinċidenza fiż-żmien bejn l-importazzjonijiet mill-Kambodja u l-Myanmar u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, evidenzjata minn telf sostanzjali ta' ishma tas-suq, li jikkawżaw diffikultajiet serji lit-taħħana tal-Unjoni.

Image

Kambodja/Myanmar

UE

2015/2016

2014/2015

2013/2014

2012/2013

2016/2017

Ishma mis-Suq

70,0 %

60,0 %

50,0 %

40,0 %

30,0 %

20,0 %

10,0 %

0,0 %

Sors:

Data tal-Eurostat u dik miġbura mill-Kummissjoni bbażata fuq data li waslet mill-Istati Membri

(63)

Il-Kummissjoni tqis li l-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar wkoll ikkawżaw diffikultajiet serji individwalment. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet kemm mill-Kambodja u mill-Myanmar żdiedu individwalment kemm f'volum assolut (bi 53 % u aktar minn 2 000 % rispettivament) kif ukoll f'termini ta' ishma mis-suq (b'9,7 punti perċentwali u b'6,1 punti perċentwali rispettivament). Barra minn hekk, kemm l-importazzjonijiet mill-Kambodja kif ukoll mill-Myanmar, kull wieħed naqqas il-prezz tal-Unjoni b'mod individwali (b'madwar 22 % u 43 % rispettivament). Għalhekk, wieħed jista' jikkonkludi li l-importazzjonijiet kemm mill-Kambodja kif ukoll mill-Myanmar ikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni wkoll.

(64)

L-espansjoni rapida tal-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar hija spjegata mil-livell baxx tal-prezzijiet tagħhom, li waqqa' b'mod sinifikanti l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Ir-ross Indica huwa prodott sensittiv għall-prezz, speċjalment għaliex il-konsumaturi ġeneralment ma jagħmlux id-differenza bejn il-prodotti tal-Unjoni u dawk importati. Ġeneralment il-konsumaturi li jixtru r-ross mil-bejjiegħa bl-imnut ma jkunux jafu minn fejn ikun ġej ir-ross. Dan jiġi l-aktar meta r-ross jinbiegħ taħt tikketta privata, jiġifieri l-marka tal-bejjiegħ bl-imnut. Billi jissupplixxu r-ross bi prezz baxx ħafna, kif muri mil-livelli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kif imsemmi fil-premessa (33), il-Kambodja u l-Myanmar rnexxielhom jespandu b'mod sinifikanti u rapidu l-esportazzjonijiet tar-ross tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kambodja -li s-soltu kienet tesporta l-aktar ir-ross bl-ingrossa għal aktar ipproċessar fl-Unjoni - qed tbigħ dejjem aktar ross ippakkjat direttament lill-bejjiegħa bl-imnut tal-Unjoni, fattur li qed jikkawża pressjoni addizzjonali fuq il-prezzijiet u kompetizzjoni fil-livell tat-taħħana fl-Unjoni.

4.2.   Fatturi oħra

(65)

Ġew ivvalutati wkoll fatturi oħra li setgħu kkontribwew għad-diffikultajiet serji mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

4.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

(66)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu wkoll matul il-perjodu tal-investigazzjoni minn 23 % għal 29,3 % (+ 6,3 %) f'termini ta' sehem mis-suq.

Sehem mis-suq (%)

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

L-Unjoni

61,4

54,8

46,7

40,5

39,3

Il-Kambodja

15,4

20,0

23,1

28,8

25,1

Il-Myanmar

0,2

2,5

4,8

3,5

6,3

Il-Kambodja u l-Myanmar

15,6

22,5

27,9

32,3

31,4

It-Tajlandja

12,2

11,5

11,8

12,9

13,8

L-Indja

4,7

4,0

5,8

6,8

7,3

Il-Pakistan

2,5

2,9

3,3

3,3

3,2

Pajjiżi oħra

3,7

4,4

4,5

4,3

5,1

Il-pajjiżi l-oħra kollha flimkien (minbarra l-Kambodja u l-Myanmar)

23,0

22,8

25,4

27,3

29,3

Sors: Il-Eurostat

(67)

Anki jekk l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra jistgħu jispjegaw parzjalment it-tnaqqis fl-ishma tas-suq tal-Unjoni, iż-żieda fis-sehem mis-suq ta' dawn il-pajjiżi, anki b'mod kumulattiv, hija ferm aktar limitata minn dik tal-Kambodja u l-Myanmar (+ 15 %).

(68)

Barra minn hekk, u l-aktar importanti, kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt, il-prezzijiet medji ponderati tal-importazzjonijiet l-oħra huma, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, ferm ogħla mill-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar, u dawk tal-Unjoni (8). Meta wieħed iqabbel il-prezz tal-importazzjonijiet mit-Tajlandja ma' dawk tal-Myanmar joħroġ li hemm differenza fil-prezz ta' 85 %. Meta wieħed iqabbel il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja ma' dawk tal-Kambodja, id-differenza fil-prezz hija ta' 72 %. Dan isaħħaħ ukoll il-konklużjoni ta' hawn fuq li l-prezzijiet aktar baxxi ppermettew lill-Myanmar u lill-Kambodja biex jespandu malajr l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

 

2012/2013

2013/2014

2014/2015

2015/2016

2016/2017

L-Unjoni

667,3

649,5

693,3

728,3

711,5

Il-Kambodja

588,4

512,8

562,6

547,4

552,2

Il-Myanmar

420,0

366,5

414,7

410,1

405,4

It-Tajlandja

946,7

863,5

896,8

825,7

751,1

L-Indja

925,7

1 054,1

1 061,0

893,0

949,2

Il-Pakistan

924,3

999,7

996,0

846,3

926,3

Sors: L-Eurostat u t-tweġibiet għall-kwestjonarji

4.2.2.   Diffikultajiet strutturali fis-settur tar-ross Taljan

(69)

Fis-sottomissjoni tagħha meta nbdiet, il-Federazzjoni tar-Ross Kambodjana sostniet li d-diffikultajiet tas-settur tar-ross Taljan huma ġeneralment agħar milli fil-bqija tal-Unjoni u għalhekk ma jistgħux jiġu attribwiti biss għaż-żieda fl-importazzjonijiet.

(70)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-verifika tabilħaqq urew li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija agħar fl-Italja milli fi Spanja. Dan huwa parzjalment dovut għall-fatt li s-suq tar-ross Spanjol huwa organizzat b'mod differenti u għalhekk huwa aktar reżiljenti f'termini ta' provvista u domanda kif ukoll f'termini ta' pprezzar. Madankollu, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni mal-Unjoni kollha msejsa fuq is-sitwazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni u fuq il-bażi ta' kampjun rappreżentattiv. L-investigazzjoni wriet — kif spjegat hawn fuq — li hemm diffikultajiet ġenerali għall-industrija tal-Unjoni.

4.2.3.   L-importazzjonijiet ta' “ross bil-ħliefa (paddy)” mill-Guyana

(71)

Il-partijiet interessati sostnew ukoll li ż-żieda fl-importazzjonijiet tar-ross mill-Guyana kkontribwew għad-diffikultajiet serji. Ir-ross importat mill-Guyana mhuwiex mitħun (jikkonsisti fl-hekk imsejjaħ “ross bil-ħliefa (paddy)” (ross li għadu fil-ħliefa)) u għalhekk jaqa' barra mill-ambitu tal-investigazzjoni u mhuwiex inkluż fl-istatistika tal-importazzjoni ta' hawn fuq u mhux rilevanti hawnhekk.

4.2.4.   L-esportazzjonijiet mill-industrija tal-Unjoni

(72)

Il-Gvern tal-Kambodja ssottometta li waħda mill-aspetti li ġew injorati fil-kuntest tal-kawżalità hija l-orjentazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu, din it-talba ma kinitx sostanzjata u, għalkemm l-esportazzjonijiet fil-fatt żdiedu minn 3 % tal-produzzjoni totali għal 7 % tal-produzzjoni totali matul il-perjodu ta' investigazzjoni, madankollu huma jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-produzzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, iż-żieda tal-esportazzjonijiet (+ 11 000 tunnellata) hija ħafna iżgħar miż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar (+ 147 000 tunnellata).

4.2.5.   It-tnaqqis fil-produzzjoni tal-Indica huwa minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-Japonica

(73)

Il-Gvern tal-Kambodja sostna wkoll li l-produzzjoni tal-Unjoni tar-ross Indica ma kinitx affettwata mill-importazzjonijiet, iżda hija sempliċiment soġġetta għal ċaqliqa ċiklika bejn ir-ross Japonica u r-ross Indica fuq il-baiżi tad-deċiżjoni tal-produtturi tal-Unjoni.

(74)

Huwa korrett li min ikabbar ikun jista' jċaqlaq il-produzzjoni bejn ross Indica u dak Japonica. Madankollu bidla bħal din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, inklużi d-domanda u l-prezz tas-suq. F'dan il-kuntest, l-investigazzjoni kkonfermat li, meta ffaċċjati b'żieda fil-kompetizzjoni ta' importazzjonijiet bi prezz baxx ta' ross Indica, xi produtturi ma kellhom l-ebda alternattiva ħlief li jaqilbu għall-produzzjoni tar-ross Japonica. Għalhekk din la hija ċaqliqa ċiklika u lanqas għażla intenzjonata iżda att ta' awtodifiża. F'terminu medju, dan madankollu wkoll mhuwiex opzjoni vijabbli billi l-bidla tal-produzzjoni mill-Indica għal Japonica min-naħa tagħha kkawżat provvista eċċessiva ta' ross Japonica fis-suq u pressjoni fuq il-prezzijiet għal dan it-tip ta' ross. Għalhekk, b'mod ġenerali, il-bdiewa qegħdin f'sitwazzjoni diffiċli.

(75)

L-argument ta' hawn fuq huwa madankollu ta' rilevanza limitata peress li l-industrija tal-Unjoni tikkonsisti minn taħħana tar-ross u mhux produtturi, li huma fornituri tal-materja prima.

4.2.6.   Konklużjoni dwar il-kawżalitá

(76)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet rabta kawżali bejn id-diffikultajiet serji li sofriet l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar. Il-Kummissjoni identifikat ukoll fatturi li kkontribwew ukoll għal dawn id-diffikultajiet. Dawn huma b'mod partikolari importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u importazzjonijiet ta' ross għadu fil-ħliefa mill-Guyana. Madankollu, dawn il-fatturi ma nstabux li taffew ir-rabta kawżali, anki meta wieħed iqis l-effett ikkombinat possibbli tagħhom. Konsegwentement, jidher li kwalunkwe impatt tal-fatturi msemmija hawn fuq fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma jnaqqasx ir-rabta bejn il-volum tal-importazzjonijiet u l-prezzijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar u d-diffikultajiet serji mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

5.   KONKLUŻJONIJIET U ADOZZJONI TAL-MIŻURI

(77)

Huwa konkluż li r-ross Indica mill-Kambodja u mill-Myanmar qed jiġi importat f'volumi u bi prezzijiet li jikkawżaw diffikultajiet serji lill-industrija tal-Unjoni u konsegwentement huma meħtieġa miżuri ta' salvagwardja.

(78)

Għalhekk skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament GSP, it-Tariffa Doganali Komuni li applikat dazji ta' EUR 175/tunnellata jenħtieġ li terġa' tiġi introdotta.

(79)

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament GSP jenħtieġ li l-miżuri ta' salvagwardja jiddaħħlu mill-ġdid sakemm hemm bżonn biex ipattu għad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tat-taħħana tal-Unjoni. Madankollu l-perjodu għad-dħul mill-ġdid jenħtieġ li ma jkunx aktar minn tliet snin, sakemm ma jkunx estiż minħabba ċirkostanzi ġustifikati kif imiss.

(80)

Il-Kummissjoni tqis li f'dan il-każ jenħtieġ li jiġu introdotti miżuri għal perjodu ta' tliet snin sabiex l-industrija tal-Unjoni tkun tista' tirkupra b'mod sħiħ mill-effetti tal-importazzjonijiet mill-Kambodja u mill-Myanmar.

(81)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li jenħtieġ li l-miżuri ta' salvagwardja jiġu liberalizzati b'mod progressiv matul dan il-perjodu għar-raġunijiet li ġejjin.

(82)

Billi tipprovdi aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE, is-GSP għandha l-objettiv primarju li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar u jġibu 'l quddiem il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli, billi tgħinhom biex jiġġeneraw, b'mod partikolari, l-impjiegi, l-industrijalizzazzjoni u dħul addizzjonali permezz tal-kummerċ internazzjonali. L-arranġament speċjali ta' Kollox ħlief Armi (EBA), kif stabbilit fir-Regolament GSP, jgħin lill-ifqar pajjiżi tad-dinja biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tal-kummerċ. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn il-pajjiżi għandhom profil ekonomiku simili. Huma vulnerabbli minħabba bażi ta' esportazzjoni baxxa u mhux diversifikata u għalhekk igawdu minn ċerti protezzjonijiet skont ir-Regolament GSP bħal, pereżempju, eżenzjoni minn gradwazzjoni ta' prodott u mill-applikazzjoni ta' salvagwardji awtomatiċi.

(83)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li, fil-prinċipju, għall-benefiċjarji tal-EBA huwa meħtieġ tnaqqis progressiv fir-rata ta' dazju matul il-perjodu ta' tliet snin, kif spjegat hawn taħt.

(84)

Tnaqqis progressiv ikun ukoll biżżejjed biex jikkontrobatti d-deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u/jew finanzjarja tat-taħħana tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-Kambodja u l-Myanmar mhux se jkunu qed iħabbtu wiċċhom ma' dmirijiet sħaħ għat-tliet snin sħaħ li jagħmlu l-esportazzjonijiet aktar diffiċli iżda gradwalment se jkunu jistgħu jesportaw aktar ross Indica lill-Unjoni.

(85)

Għaldaqstant, din l-introduzzjoni mill-ġdid tad-dazju tariffarju hija prevista għal perjodu ta' tliet snin:

 

l-ewwel sena

it-tieni sena

it-tielet sena

Dazju tariffarju (EUR/tunnellata)

175

150

125

(86)

Ir-rata tad-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni ta' EUR 175/tunnellata attwalment applikata hija potenzjalment soġġetta għal aġġustamenti 'l isfel skont l-Artikolu 180 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Għalhekk, jekk — b'riżultat ta' dawn l-aġġustamenti — id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikati jsiru aktar baxxi mid-dazji msemmija fil-premessa (85), jenħtieġ li dawn tal-aħħar jiġu allinjati sabiex ma jaqbżux id-dazju tat-Tariffa Doganali Komuni applikat fi kwalunkwe ħin matul il-perjodu ta' impożizzjoni tal-miżuri. Il-miżuri ta' salvagwardja applikabbli għandhom għalhekk ikunu l-inqas mid-dazji doganali aġġustati u d-dazju applikabbli msemmi fil-premessa (85).

(87)

Fl-aħħar nett, sabiex tingħata ċertezza legali lill-importaturi tal-prodotti kkonċernati, jenħtieġ li diversi partijiet interessati talbu li l-prodotti li diġà jinsabu fi triqithom lejn l-Unjoni ma jkunux koperti mill-miżuri ta' hawn fuq. F'konformità mal-prattika attwali tagħha fil-każijiet ta' salvagwardja, il-Kummissjoni tqis li tali “klawżola ta' trasport marittimu” hija fil-fatt iġġustifikata f'dan il-każ u għalhekk it-talbiet ġew aċċettati.

(88)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Preferenzi Ġeneralizzati, imsemmi fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) Nru 978/2012.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni ġew introdotti mill-ġdid b'mod temporanju fuq l-importazzjonijiet tar-ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċijiet NM 1006 30 27, 1006 30 48, 1006 30 67 u 1006 30 98.

2.   Id-dazju applikabbli f'EUR għal kull tunnellata tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun 175 għall-ewwel sena, 150 għat-tieni sena u 125 għat-tielet sena mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

3.   Jekk il-Kummissjoni taġġusta t-Tariffa Doganali Komuni skont l-Artikolu 180 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jenħtieġ li d-dazju tat-tariffa msemmi fil-paragrafu 2 ikun stabbilit fil-livell l-aktar baxx tat-Tariffa Doganali Komuni aġġustata u d-dazju tat-tariffa li hemm referenza għalih fil-paragrafu 2.

Artikolu 2

L-importazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, li diġà jinsabu fit-triq lejn l-Unjoni fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm id-destinazzjoni ta' dawn il-prodotti ma tistax tinbidel, ma għandhomx ikunu soġġetti għad-dazju speċifikat fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 100, 16.3.2018, p. 30.

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat-28 ta' Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta' preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta' miżuri ġenerali ta' salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 16).

(4)  Intbagħtu kwestjonarji u saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kultivaturi li ġejjin: Laguna de Santaolala S.L., Spanja, Vercelino Flavio e Paolo S.S., l-Italja, Copo e Garrione Societa Societa Agricola S.S., l-Italja, Maro Giovanni, Paolo e Pietro, Italja, Locatelli Francesco, l-Italja.

(5)  Dawn il-partijiet interessati kienu Haupdecour, Amru Rice, il-gvern tal-Kambodja u l-Federazzjoni tar-Ross tal-Myanmar (MRF).

(6)  Id-data hija disponibbli pubblikament fuq il-Webpage Europa: https://ec.europa.eu/agriculture/cereals/trade_mt

(7)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(8)  Dawn il-prezzijiet ma jinkludux la l-kostijiet ta' wara l-importazzjoni u lanqas il-kostijiet tat-trasport.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).


DIRETTIVI

17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/18


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/68

tas-16 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2a) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/477/KEE jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom, kemm jekk ikunu parti minn arma tan-nar kif ukoll jekk ikunu introdotti separatament fis-suq, ikollhom immarkar ċar, permanenti u uniku. L-Artikolu 4(2) ta' dik id-Direttiva jiddefinixxi l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fl-immarkar sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom. Għall-komponenti essenzjali żgħar ħafna, l-informazzjoni li tal-inqas trid tiġi inkluża fl-immarkar hija numru tas-serje jew kodiċi alfanumeriku jew diġitali. L-Artikolu 4(4) ta' dik id-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom sistema ta' fajling tad-data u li fiha jirreġistraw l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-traċċar u għall-identifikazzjoni tal-armi tan-nar, inkluża l-informazzjoni dwar l-immarkar ta' arma tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħha u l-informazzjoni dwar kwalunkwe konverżjoni jew modifika tal-arma tan-nar li twassal għal bidla fil-kategorija jew fis-subkategorija tagħha, bħal pereżempju l-informazzjoni dwar l-entità li ssostitwiet jew immodifikat komponent essenzjali.

(2)

Fil-każ ta' trasferiment mill-ħażniet tal-gvern għall-użu ċivili permanenti, l-identità tal-entità tat-trasferiment trid tiġi inkluża wkoll fl-immarkar. Sakemm l-identità ma tkunx diġà preżenti bħala parti minn immarkar eżistenti, din trid tiġi inkluża meta jseħħ it-trasferiment għall-użu ċivili.

(3)

Barra minn hekk, id-Direttiva 91/477/KEE tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull pakkett elementari ta' munizzjon sħiħ ikun immarkat b'tali mod li jindika l-isem tal-manifattur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta' munizzjon. Minħabba l-prassi tas-suq attwali għall-imballaġġ tal-munizzjon u l-istat attwali tat-teknoloġija, f'dan l-istadju mhuwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għal dak l-immarkar. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom biss (inklużi l-komponenti essenzjali żgħar ħafna).

(4)

Huwa kritiku li l-immarkar ikollu daqs tat-tipa adegwat sabiex jintlaħaq l-objettiv li tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistipulaw daqs minimu tat-tipa li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu obbligati li jsegwu meta jistabbilixxu d-daqs tat-tipa għal dak l-immarkar fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(5)

Wara li jiġi kkunsidrat l-Istandard Internazzjonali tal-Kontroll tal-Armi Żgħar (ISACS) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-immarkar u ż-żamma ta' reġistri, jenħtieġ li l-oqfsa u r-riċevituri magħmula minn materjali mhux metalliċi ta' tip li jissogra li jikkomprometti ċ-ċarezza u l-permanenza tal-immarkar (pereżempju, l-oqfsa jew ir-riċevituri magħmula minn ċerti kategoriji ta' polimeri) ikunu obbligati li l-immarkar tagħhom isir fuq pjanċa tal-metall li tkun integrata b'mod permanenti fil-materjal tal-qafas jew tar-riċevitur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jippermettu l-użu ta' xi teknika oħra, bħal pereżempju inċiżjoni fonda bil-laser, li tiżgura livell ekwivalenti ta' ċarezza u ta' permanenza għall-immarkar tal-oqfsa u tar-riċevituri magħmula minn materjali mhux metalliċi.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom fis-sistemi ta' fajling tad-data tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jagħżlu minn fost il-Latin, iċ-Ċirilliku jew il-Grieg biss meta jistabbilixxu liema alfabett jew alfabetti jista'/jistgħu jintuża(w) għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. Bl-istess mod, jenħtieġ li s-sistemi numeriċi li jistgħu jintużaw għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom ikunu ristretti għas-sistema Għarbija jew dik Rumana, kif stabbilit minn kull Stat Membru.

(7)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477/KEE.

(8)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (2), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 13b(1) tad-Direttiva 91/477/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-armi tan-nar u għall-komponenti essenzjali tagħhom, iżda ma tapplikax għall-pakketti elementari ta' munizzjon sħiħ.

Artikolu 2

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-immarkar meħtieġ skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477/KEE jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ta' traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta' Jannar 2020. Meta dan isir għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(2)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom

1.

Id-daqs tat-tipa li tintuża fl-immarkar huwa kif stipulat mill-Istat Membru. Id-daqs jew id-daqs minimu stipulat minn kull Stat Membru għandu jkun minn tal-inqas ta' 1,6 mm. Fejn ikun meħtieġ, jista' jintuża daqs iżgħar tat-tipa għall-immarkar ta' komponenti essenzjali li jkunu żgħar wisq biex jiġu mmarkati b'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477/KEE.

2.

Għall-oqfsa jew għar-riċevituri magħmula minn materjal mhux metalliku ta' tip speċifikat mill-Istat Membru, l-immarkar isir fuq pjanċa tal-metall li tkun integrata b'mod permanenti fil-materjal tal-qafas jew tar-riċevitur b'tali mod li:

(a)

il-pjanċa ma tkunx tista' tinqala' faċilment jew malajr, u

(b)

jekk il-pjanċa tinqala', porzjon mill-qafas jew mir-riċevitur jinqered.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu ta' tekniki oħra għall-immarkar tal-oqfsa jew tar-riċevituri, diment li dawk it-tekniki jiżguraw livell ekwivalenti ta' ċarezza u ta' permanenza għall-immarkar.

Meta jistabbilixxu liema materjali mhux metalliċi se jispeċifikaw għall-finijiet ta' din l-ispeċifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kemm il-materjal jista' jikkomprometti ċ-ċarezza u l-permanenza tal-immarkar.

3.

L-alfabett li jintuża fl-immarkar huwa kif stipulat mill-Istat Membru. L-alfabett jew l-alfabetti stipulati minn kull Stat Membru għandu jkun/għandhom ikunu l-Latin, iċ-Ċirilliku jew il-Grieg.

4.

Is-sistema numerika li tintuża fl-immarkar hija kif stipulat mill-Istat Membru. Is-sistema numerika jew is-sistemi numeriċi stipulat(i) minn kull Stat Membru għandu jkun/għandhom ikunu s-sistema Għarbija jew dik Rumana.

17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/22


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/69

tas-16 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness I tad-Direttiva 91/477/KEE jipprevedi li l-oġġetti li jikkorrispondu mad-definizzjoni ta' arma tan-nar stabbiliti f'dik id-Direttiva mhumiex inklużi f'dik id-definizzjoni jekk ikunu ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet u jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarat.

(2)

Uħud mill-apparati ddisinjati biex jingħata l-allarm, biex isir is-sinjalar jew biex jiġu salvati l-ħajjiet, li huma attwalment disponibbli fis-suq, jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi tan-nar permezz ta' għodod ordinarji. Għalhekk, sabiex jitqiesu bħala armi tal-allarm u tas-sinjal għall-finijiet tad-Direttiva 91/477/KEE u sabiex jiġu evitati l-kontrolli li japplikaw għall-armi tan-nar skont dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li ma jistgħux jiġu mmodifikati permezz ta' għodod ordinarji biex jisparaw, jew li jkunu jistgħu jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

(3)

Jenħtieġ li l-ispeċifikazzjoni deskritta fil-premessa (2) tifforma parti minn pakkett ta' speċifikazzjonijiet tekniċi mmirati b'mod kumulattiv biex jiżguraw li apparat ma jkunx jista' jiġi kkonvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli. B'mod partikolari, peress li l-kanna ta' apparat hija kritika għall-konverżjoni ta' tali apparati f'armi tan-nar, jenħtieġ li l-kanna tkun iddisinjata b'tali mod li ma tkunx tista' titneħħa jew tiġi mmodifikata mingħajr ma l-apparat kollu jsir inoperabbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li fil-kanna jiddaħħlu ostakli li ma jistgħux jinqalgħu, u jenħtieġ li ċ-chamber u l-kanna jiġu spostati, inklinati jew mqassma b'tali mod li jipprevjenu li l-munizzjon jiġi kkargat fl-apparat u sparat minnu.

(4)

Sabiex jiġi żgurat li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal ikunu adattati għall-varjetà wiesgħa ta' armi tal-allarm u tas-sinjal li jeżistu attwalment, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet stipulati b'din id-Direttiva jqisu l-istandards u ċ-ċifri internazzjonali aċċettati b'mod komuni għall-iskrataċ u għaċ-chambers għall-armi tal-allarm u tas-sinjal, b'mod partikolari t-Tabella VIII tat-Tabelli tad-Dimensjonijiet tal-Iskrataċ u taċ-Chambers (TDCC) stabbilita permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali Permanenti għall-Immarkar tal-Armi ż-Żgħar (CIP).

(5)

Bħala deterrent biex l-armi tal-allarm u tas-sinjal ma jiġux ikkonvertiti faċilment f'armi tan-nar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-armi mmanifatturati fl-Unjoni jew importati fiha jkunu soġġetti għal kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati b'din id-Direttiva. Il-kontrolli jistgħu, pereżempju, jinvolvu li jiġu kkontrollati mudelli jew tipi differenti ta' apparati, jew apparati individwali, jew it-tnejn li huma.

(6)

Jenħtieġ li fuq talba, l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu informazzjoni lil xulxin dwar ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa minnhom fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal. Sabiex jiġi ffaċilitat dak l-iskambju ta' informazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu minn tal-inqas punt fokali nazzjonali wieħed li jkun jista' jipprovdi l-informazzjoni lil Stati Membri oħra.

(7)

Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat it-twettiq tal-kontrolli fuq l-armi tal-allarm u tas-sinjal, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq ta' tali kontrolli.

(8)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477/KEE.

(9)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (2), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 13b(1) tad-Direttiva 91/477/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Speċifikazzjonijiet tekniċi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex ma jiġux ikkunsidrati bħala arma tan-nar skont id-Direttiva 91/477/KEE, l-apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ddisinjati biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali jkunu meħtieġa jikkonformaw f'kull waqt mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Kontroll tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-apparati tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1 ikunu soġġetti għal kontrolli sabiex tiġi stabbilita l-konformità tagħhom mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Skambju ta' informazzjoni

Fuq talba, Stat Membru għandu jipprovdi r-riżultati tal-kontrolli mwettqa minnu skont l-Artikolu 2 lil Stat Membru ieħor. Għal dawn il-finijiet, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi minn tal-inqas punt fokali nazzjonali wieħed biex jipprovdi tali riżultati, u għandu jikkomunika d-dettalji ta' kuntatt tal-punt fokali nazzjonali lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet tat-traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta' Jannar 2020. Meta dan isir għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(2)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-apparati msemmija fl-Artikolu 1

1.

L-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu kapaċi jisparaw tiri pirotekniċi tas-sinjali jekk jitwaħħal adattatur mal-bokka tal-kanna biss;

(b)

ikollhom apparat ieħor li jiflaħ fl-apparat stess, li jipprevjeni li jiġu sparati skrataċ ikkargati b'tir uniku jew b'tiri multipli, b'balal solidi jew bi projettili solidi;

(c)

ikunu ddisinjati għal skartoċċ elenkat, u li jikkonforma mad-dimensjonijiet u ma' standards oħra msemmija fit-Tabella VIII tat-Tabelli tad-Dimensjonijiet tal-Iskrataċ u taċ-Chambers (TDCC) stabbilita permezz tal-Kummissjoni Internazzjonali Permanenti għall-Immarkar tal-Armi ż-Żgħar (CIP), peress li dik it-Tabella tapplika fil-verżjoni li tkun fis-seħħ mill-waqt tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

2.

L-apparati ma jkunux jistgħu jiġu mmodifikati permezz ta' għodod ordinarji biex jisparaw, jew biex ikunu jistgħu jiġu kkonvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

3.

Il-komponenti essenzjali kollha tal-apparati jkunu ddisinjati b'tali mod li ma jkunux jistgħu jiġu ffittjati jew jintużaw bħala komponenti essenzjali ta' armi tan-nar.

4.

Il-kanen tal-apparati ma jkunux jistgħu jinqalgħu jew jiġu mmodifikati mingħajr ma ssir ħsara sinifikanti lill-apparat jew mingħajr ma jinqered l-apparat.

5.

Fil-każ ta' apparati b'kanna li ma taqbiżx it-30 ċentimetru jew li t-tul ġenerali tagħhom ma jaqbiżx is-60 ċentimetru, l-apparat jinkorpora ostakli li ma jistgħux jinqalgħu, tul it-tul kollu tal-kanna b'tali mod li tir, balla jew projettili ma jkunux jistgħu jgħaddu mill-kanna permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, u b'tali mod li kwalunkwe spazju liberu li jitħalla fil-bokka tal-kanna ma jkollux tul ta' iktar minn 1 cm.

6.

Fil-każ ta' apparati li ma jaqgħux taħt il-punt 5, l-apparat jinkorpora ostakli li ma jistgħux jinqalgħu fuq minn tal-inqas terz tat-tul tal-kanna b'tali mod li tir, balla jew projettili ma jkunux jistgħu jgħaddu mill-kanna permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, u b'tali mod li kwalunkwe spazju liberu li jitħalla fil-bokka tal-kanna ma jkollux tul ta' iktar minn 1 cm.

7.

Fil-każijiet kollha, kemm jekk l-apparat jaqa' taħt il-punt 5 jew il-punt 6, l-ewwel ostaklu fil-kanna jitqiegħed kemm jista' jkun qrib wara ċ-chamber tal-apparat filwaqt li jippermetti l-espulsjoni tal-gassijiet mit-toqob tal-ħruġ.

8.

Għall-apparati ddisinjati biex jisparaw in bjank biss, l-ostakli msemmija fil-punt 5 jew fil-punt 6 jimblukkaw il-kanna għalkollox għajr għal waħda jew iktar mit-toqob tal-ħruġ għall-pressa tal-gass. Barra minn hekk, l-ostakli jimblukkaw il-kanna għalkollox b'tali mod li l-ebda gass ma jkun jista' jiġi sparat min-naħa ta' quddiem tal-apparat.

9.

L-ostakli kollha jkunu permanenti u ma jkunux jistgħu jinqalgħu mingħajr ma jinqerdu ċ-chamber jew il-kanna tal-apparat.

Għall-apparati ddisinjati biex jisparaw in bjank biss, l-ostakli jkunu magħmula għalkollox minn materjal li jkun reżistenti u ma jkunx jista' jinqata', jittaqqab, jitħaffer bil-bor jew jiġi ssegat (jew kwalunkwe proċess simili), u li jkollu ebusija minima ta' 700 HV 30 (skont it-test tal-ebusija ta' Vickers).

Għall-apparati mhux koperti bit-tieni subparagrafu ta' dan il-punt, l-ostakli jkunu magħmula minn materjal li jkun reżistenti u ma jkunx jista' jinqata', jittaqqab, jitħaffer bil-bor jew jiġi ssegat (jew kwalunkwe proċess simili), u li jkollu ebusija minima ta' 610 HV 30. Il-kanna jista' jkollha kanal tul l-assi tagħha biex l-irritanti jew sustanzi attivi oħra jkunu jistgħu jiġu sparati mill-apparat.

Fi kwalunkwe każ, l-ostakli jkunu ddisinjati b'tali mod li jipprevjenu l-okkorrenza ta' dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien jew it-tkabbir ta' toqba fil-kanna tul l-assi tagħha;

(b)

it-tneħħija tal-kanna, għajr fejn il-qafas u ż-żona taċ-chamber tal-apparat isiru inutli bħala riżultat tat-tneħħija, jew fejn l-integrità tal-apparat tant tkun kompromessa li ma tkunx tista' tintuża biex tifforma l-bażi ta' arma tan-nar mingħajr tiswija jew żieda sinifikanti.

10.

Iċ-chamber u l-kanna jkunu spostati, inklinati jew mqassma b'tali mod li jipprevjenu li l-munizzjon jiġi kkargat fl-apparat u sparat minnu. Barra minn hekk, fil-każ ta' apparati bħar-rivolver:

(a)

il-fetħiet ta' quddiem taċ-chamber taċ-ċilindru jiddejqu sabiex jiġi żgurat li l-balal jiġu bblukkati fiċ-chamber;

(b)

dawk il-fetħiet jiġu spostati lejn iċ-chamber.


DEĊIŻJONIJIET

17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/27


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/70

tal-11 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta grafika u l-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tixju u l-prodotti tat-tixju

(notifikata bid-dokument C(2019) 3)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, l-Ekotikketta tal-UE tista' tingħata lil dawk il-prodotti b'impatt ambjentali mnaqqas tul iċ-ċiklu kollu ta' ħajjithom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 jipprovdi li kriterji speċifiċi tal-Ekotikketta tal-UE għandhom jiġu stabbiliti skont il-gruppi tal-prodotti.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE (2) stabbiliet kriterji u rekwiżiti ta' valutazzjoni u verifika relatati għall-grupp ta' prodotti “karta għall-ikkupjar u karta grafika”. Il-perjodu ta' validità ta' dawk il-kriterji u r-rekwiżiti ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/877 (3).

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE (4) stabbilixxiet il-kriterji u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u verifika relatati għall-grupp ta' prodotti “karta għall-gazzetti”. Il-perjodu ta' validità ta' dawk il-kriterji u r-rekwiżiti ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni (UE) 2015/877.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE (5) stabbilixxiet kriterji u rekwiżiti ta' valutazzjoni u verifika relatati għall-grupp ta' prodotti “karta tixju”. Il-perjodu ta' validità ta' dawk il-kriterji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni 2009/568/KE ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni (UE) 2015/877.

(6)

Il-kontroll tal-Idoneità tal-Ekotikketta tal-UE (REFIT) tat-30 ta' Ġunju 2017, li eżamina l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 (6), wassal għall-konklużjoni dwar il-bżonn li jiġi żviluppat approċċ aktar strateġiku għall-Ekotikketta tal-UE, inkluż l-aggruppament ta' gruppi ta' prodotti li huma marbutin mill-qrib, fejn dan ikun xieraq.

(7)

F'konformità ma' dawk il-konklużjonijiet u wara konsultazzjoni mal-Bord tal-Ekotikkettar tal-UE, il-gruppi ta' prodotti “karta għall-ikkuppjar u karta grafika” għandhom jiġu amalgamati flimkien sabiex jiffurmaw il-grupp uniku ta' prodotti “karta grafika”, b'definizzjoni ġdida tkopri ż-żewġ gruppi ta' prodotti oriġinali, flimkien ma' ċerti modifiki li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-iżviluppi xjentifiċi u tas-suq. B'mod partikolari, id-definizzjoni l-ġdida għandha telimina l-limitazzjonijiet tal-piż li kienu japplikaw għall-gruppi ta' prodotti oriġinali, li issa jinkludu varjetà usa' ta' karta b'riġidità akbar.

(8)

Barra minn hekk, f'konformità mar-rieżami, għandhom isiru ċerti modifiki għad-definizzjoni tal-grupp ta' prodotti “karta tixju”, partikolarment sabiex issir distinzjoni aktar ċara bbażata fuq l-Istandard ISO 12625-1 bejn il-karta tixju u l-prodott finali tat-tixju; il-grupp ta' prodotti għandu jissemma “karta tixju u prodotti tat-tixju”.

(9)

Sabiex tiġi riflessa aħjar l-aqwa prattika fis-suq għal dawn il-gruppi ta' prodotti u sabiex jiġu kkunsidrati innovazzjonijiet li jiġu introdotti fil-perjodu ta' intervent, huwa xieraq li jiġi stabbilit sett ġdid ta' kriterji għal kull wieħed miż-żewġ gruppi ta' prodotti.

(10)

Il-kriterji l-ġodda għal kull wieħed mill-gruppi ta' prodotti jimmiraw li jippromwovu proċessi ta' manifattura li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija, b'mod li jwasslu għal anqas emissjonijiet ta' sustanzi li jikkontribwixxu għall-ewtrofikazzjoni tal-korsiji tal-ilma, l-aċidifikazzjoni tal-atmosfera u t-tibdil fil-klima, jillimitaw l-użu ta' sustanzi perikolużi u jużaw materja prima li tinġieb minn foresti li jiġu ġestiti b'mod sostenibbli jew materjali rriċiklati li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari.

(11)

Il-kriterji l-ġodda u r-rekwiżiti relatati ta' valutazzjoni u verifika għal kull grupp ta' prodotti għandhom jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2024, b'kunsiderazzjoni taċ-ċiklu ta' innovazzjoni għaż-żewġ gruppi ta' prodotti.

(12)

Minħabba li ż-żewġ gruppi ta' prodotti “karta grafika” u “karta tixju u prodotti tat-tixju” huma relatati mill-qrib u l-kriterji tagħhom se jkunu simili, huwa xieraq li tiġi adottata deċiżjoni unika li tistabbilixxi ż-żewġ settijiet ta' kriterji fl-istess att. Dan għandu jżid ukoll il-viżibbiltà tal-iskemi għall-parteċipanti tas-suq u jnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet nazzjonali.

(13)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, id-Deċiżjoni 2011/333/UE, id-Deċiżjoni 2012/448/UE u d-Deċiżjoni 2009/568/KE jenħtieġ li jiġu revokati.

(14)

Għandu jiġi stabbilit perjodu ta' tranżizzjoni sabiex il-produtturi li l-prodotti tagħhom tkun ingħatatilhom l-Ekotikketta tal-UE għall-karta għall-ikkuppjar u l-karta grafika, għall-karta għall-gazzetti jew għall-karta tixju skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/333/UE, id-Deċiżjoni 2012/448/UE jew id-Deċiżjoni 2009/568/KE rispettivament, ikollhom żmien biżżejjed biex jadattaw il-prodotti tagħhom u jġibuhom konformi mal-kriterji u r-rekwiżiti l-ġodda. Għal perjodu limitat wara l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-produtturi għandhom jitħallew ukoll jissottomettu applikazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti b'dawk id-Deċiżjonijiet jew skont il-kriterji l-ġodda stabbiliti b'din id-Deċiżjoni. Fejn l-Ekotikketta tal-UE tkun ingħatat abbażi tal-kriterji stabbiliti b'waħda mid-Deċiżjonijiet l-antiki, l-użu tagħha għandu jiġi permess biss sal-31 ta' Diċembru 2019.

(15)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Il-grupp ta' prodotti “karta grafika” għandu jinkludi folji jew rombli ta' karta jew kartun vojt li ma jkunx ikkonvertit u ma jkunx stampat, sew jekk bla kulur jew bil-kulur, magħmul mill-polpa u li jista' jintuża għal finijiet ta' kitba, stampar jew konverżjoni.

Il-grupp ta' prodotti ma għandux jinkludi:

(a)

ippakkjar;

(b)

karta sensittiva għas-sħana;

(c)

karta fotografika jew bla karbonju;

(d)

karta mfewħa;

(e)

karta li taqa' fi ħdan il-grupp ta' prodotti “karta tixju u prodotti tat-tixju” kif definit fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-grupp ta' prodotti ta' “karta tixju u prodotti tat-tixju” għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(1)

folji jew rombli ta' karta tixju mhux ikkonvertita sabiex tinħadem fi prodotti li jaqgħu taħt il-punt (2);

(2)

prodotti tat-tixju li jistgħu jintużaw għall-iġjene personali, għall-assorbiment tal-likwidi jew it-tindif tas-superfiċje, jew biex jiġu kkumbinati dawn l-iskopijiet; inkluż iżda mhux limitat għal prodotti tat-tixju tat-tipi li ġejjin: imkatar, tixju tal-kamra tal-banju, tixju tal-wiċċ, tixju li tintuża fil-kċina jew fid-dar, tixju tal-idejn, srievet tal-mejda, twapet u tixju b'użu industrijali.

Il-grupp ta' prodotti ma għandux jinkludi:

(a)

prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta' prodotti “prodotti assorbenti tal-iġjene” kif inhu definit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/763/UE (7)

(b)

prodotti li fihom aġenti tat-tindif maħsubin sabiex inaddfu s-superfiċje;

(c)

prodotti tal-karta tixju llaminati b'materjali oħra apparti l-karta tixju;

(d)

prodotti kożmetiċi fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), inkluż il-karta tixju niedja;

(e)

karta mfewħa;

(f)

prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta' prodotti “karta grafika” kif definit fl-Artikolu 1 jew prodotti li jaqgħu fi ħdan il-grupp ta' prodotti “karta stampata” kif definit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE (9).

Artikolu 3

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“polpa” tfisser materjal fibruż fil-produzzjoni tal-karta li jiġi prodott f'mitħna tal-polpa b'mod mekkaniku jew kimiku minn materja prima fibruża taċ-ċelluloża (bl-injam ikun l-aktar komuni).

(2)

“ippakkjar” ifisser il-prodotti kollha magħmulin minn kwalunkwe materjal tkun xi tkun in-natura tiegħu, sabiex jintuża għaż-żamma, il-protezzjoni, l-ittrattar, it-twassil u l-preżentazzjoni ta' oġġetti, minn materja prima sa oġġetti pproċessati, mill-produttur sal-utent jew il-konsumatur;

(3)

“karta tixju” tfisser karta ħafifa magħmula mill-polpa li tista' tkun niexfa jew imxarrba, imġiegħda (creped) jew mhux imġiegħda (non-creped);

(4)

“prodotti tat-tixju” tfisser prodotti konvertiti magħmulin minn karta tixju f'saff wieħed jew diversi saffi, mitwijin jew mhux mitwijin, imbuzzati jew mhux imbuzzati, illaminati jew mhux illaminati, stampati jew mhux stampati u possibbilment kompluti permezz ta' post-trattament.

Artikolu 4

1.   Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010, għall-grupp ta' prodotti “karta grafika”, dan għandu jaqa' taħt id-definizzjoni ta' dak il-grupp ta' prodotti fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji kif ukoll mar-rekwiżiti relatati ta' valutazzjoni u verifika stabbiliti fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

2.   Sabiex prodott jingħata l-Ekotikketta tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 għall-grupp ta' prodotti “karta tixju u prodotti tat-tixju”, dan għandu jaqa' taħt id-definizzjoni ta' dak il-grupp ta' prodotti fl-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, u għandu jkun konformi mal-kriterji kif ukoll mar-rekwiżiti relatati ta' valutazzjoni u verifika stabbiliti fl-Anness II għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Il-kriterji għall-gruppi ta' prodotti “karta grafika” u “karta tixju u prodotti tat-tixju” u r-rekwiżiti relatati ta' valutazzjoni u verifika għal kull grupp ta' prodotti għandhom ikunu validi sal-31 ta' Diċembru 2024.

Artikolu 6

1.   Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti “karta grafika” għandu jkun “011”.

2.   Għal finijiet amministrattivi, in-numru tal-kodiċi assenjat lill-grupp ta' prodotti “karta tixju u prodotti tat-tixju” għandu jkun “004”.

Artikolu 7

Id-Deċiżjoni 2009/568/KE, id-Deċiżjoni 2011/333/KE u d-Deċiżjoni 2012/448/UE huma revokati.

Artikolu 8

1.   Minkejja l-Artikolu 7, l-applikazzjonijiet sottomessi qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu kemm taħt il-grupp ta' prodotti “karta grafika”, kif definit f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll taħt il-grupp ta' prodotti “karta għall-ikkuppjar u karta grafika”, kif definit fid-Deċiżjoni 2011/333/UE, għandhom jiġu evalwati f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2011/333/UE.

2.   Minkejja l-Artikolu 7, l-applikazzjonijiet sottomessi qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu kemm taħt il-grupp ta' prodotti “karta grafika”, kif definit f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll taħt il-grupp ta' prodotti “karta tal-gazzetti”, kif definit fid-Deċiżjoni 2012/448/UE, għandhom jiġu evalwati f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2012/448/UE.

3.   Minkejja l-Artikolu 7, l-applikazzjonijiet sottomessi qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu kemm taħt il-grupp ta' prodotti “karta tixju u prodotti tat-tixju”, kif definit f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll taħt il-grupp ta' prodotti “karta tixju”, kif definit fid-Deċiżjoni 2009/568/KE, għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2009/568/KE.

4.   L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għal prodotti li jaqgħu taħt il-grupp ta' prodotti “karta grafika” jew “karta tixju u prodotti tat-tixju” sottomessi fid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jew wara iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2018, jistgħu jkunu bbażati fuq il-kriterji stipulati f'din id-Deċiżjoni jew fuq il-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni 2011/333/UE, id-Deċiżjoni 2012/448/UE jew id-Deċiżjoni 2009/568/KE, kif ikun applikabbli. Dawk l-applikazzjonijiet għandhom jiġu evalwati skont il-kriterji li huma msejsa fuqhom.

5.   Fejn l-Ekotikketta tal-UE tingħata abbażi ta' applikazzjoni evalwata skont il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/568/KE, id-Deċiżjoni 2011/333/UE jew id-Deċiżjoni 2012/448/UE, dik l-Ekotikketta tal-UE tista' tintuża biss sal-31 ta' Diċembru 2019.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Karmenu VELLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/333/UE tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar l-istabbiliment tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta għall-ikkuppjar u għall-karta grafika (ĠU L 149, 8.6.2011, p. 12).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/877 tal-4 ta' Ġunju 2015 li temenda d-Deċiżjonijiet 2009/568/KE, 2011/333/UE, 2011/381/UE, 2012/448/UE u 2012/481/UE sabiex tittawwal il-validità tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal ċerti prodotti (ĠU L 142, 6.6.2015, p. 32)

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/448/UE tat-12 ta' Lulju 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta tal-gazzetti (ĠU L 202, 28.7.2012, p. 26).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/568/KE tad-9 ta' Lulju 2009 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għotja tal-Ekotikketta Komunitarja għall-karta assorbenti (ĠU L 197, 29.7.2009, p. 87).

(6)  Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-rieżami tal-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (COM(2017) 355).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/763/UE tal-24 ta' Ottubru 2014 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti assorbenti tal-iġjene (ĠU L 320, 6.11.2014, p. 46).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/481/UE tas-16 ta' Awwissu 2012 li tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-karta stampata (ĠU L 223, 21.8.2012, p. 55).


ANNESS I

IL-KRITERJI GĦALL-GĦOTI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE GĦAL PRODOTTI TAL-KARTA GRAFIKA

QAFAS

Għanijiet tal-kriterji

Il-kriterji jimmiraw, b'mod partikolari, li jnaqqsu r-rilaxx ta' sustanzi tossiċi jew ewtrofiċi fl-ilmijiet u d-dannu jew ir-riskji ambjentali marbutin mal-użu tal-enerġija (it-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni, it-tnaqqis tal-ożonu, it-tnaqqis ta' riżorsi mhux rinnovabbli). Għal dan il-għan, il-kriterji jimmiraw li:

inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet fl-arja marbutin miegħu;

inaqqsu d-dannu ambjentali billi jnaqqsu l-emissjonijiet fl-ilma u l-ġenerazzjoni tal-iskart;

inaqqsu l-ħsara jew ir-riskji ambjentali marbutin mal-użu ta' kimiki perikolużi, u

jissalvagwardjaw il-foresti billi jirrikjedu li l-fibri rriċiklati jew il-fibri verġni jinġiebu minn foresti u żoni li jkunu ġestiti b'mod sostenibbli.

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għall-“karta grafika”:

1.

Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja;

2.

Użu tal-enerġija;

3.

Fibri: il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

4.

Sustanzi u taħlitiet perikolużi ristretti;

5.

Ġestjoni tal-iskart:

6.

Adegwatezza għall-użu;

7.

Informazzjoni fuq l-imballaġġ;

8.

Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE.

Il-kriterji ekoloġiċi jkopru l-produzzjoni tal-polpa li tinkludi s-sottoproċessi kostitwenti kollha mill-punt li fih il-fibra verġni jew il-fibra rriċiklata tidħol fis-sit tal-produzzjoni, sal-punt meta l-polpa toħroġ mill-mitħna tal-polpa. Għall-proċessi ta' produzzjoni tal-karta, il-kriterji ekoloġiċi jkopru s-sottoproċessi kollha fil-mitħna tal-karta, mill-preparazzjoni tal-polpa għall-produzzjoni tal-karta grafika sat-tkebbib fuq ir-romblu prinċipali.

Il-kriterji ekoloġiċi ma jkoprux it-trasport u l-imballaġġ tal-materja prima (pereżempju, l-injam), il-polpa jew il-karta. Il-konverżjoni tal-karta wkoll mhijiex inkluża.

Valutazzjoni u verifika: Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant jintalab jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżi, rapporti ta' testijiet, jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur(i) tiegħu u/jew mill-fornituri tagħhom, eċċ., kif xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu b'mod preferenzjali l-attestazzjonijiet u l-verifiki li jinħarġu mill-korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jinħarġu minn korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi.

Meta xieraq jistgħu jintużaw metodi tal-ittestjar oħrajn li mhumiex indikati għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn ikun xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jirrikjedu dokumentazzjoni ta' evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti jew spezzjonijiet fuq il-post biex jivverifikaw il-konformità ma' dawn il-kriterji.

Il-prodott tal-karta grafika jeħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti rispettivi kollha tal-pajjiż fejn jitqiegħed fis-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tunnellati mnixxfa bl-arja” ta' polpa (ADt) espressa bħala 90 % ta' xuttaġni;

(2)

“polpa kimika” ifisser materjal fibruż miksub bit-tneħħija mill-materja prima ta' parti kunsiderevoli ta' komponenti mhux taċ-ċelluloża li jistgħu jitneħħew bi trattament kimiku (tisjir, delinjifikazzjoni, ibbliċjar);

(3)

“CMP” tfisser polpa kimikomekkanika;

(4)

“CTMP” tfisser polpa kimikotermomekkanika;

(5)

“polpa mingħajr linka” tfisser polpa magħmula minn karta għar-riċiklaġġ li minnha jkunu tneħħew il-linka u kontaminanti oħrajn;

(6)

“żebgħa” tfisser sustanza organika b'kuluri intensi jew fluworexxenti biss, li tagħti l-kulur lil sottostrat permezz tal-assorbiment selettiv tad-dawl. Din tkun solubbli u/jew tgħaddi minn proċess ta' applikazzjoni li, tal-anqas b'mod temporanju, jeqred kwalunkwe struttura tal-kristall taż-żebgħa. Iż-żebgħa tinżamm fis-sottostrat billi tiġi assorbita, bill itinħall, u permezz ta' żamma mekkanika, jew permezz ta' rabtiet kimiċi joniċi jew kovalenti;

(7)

“polpa tal-EFC” tfisser polpa elementali bbliċjata mingħajr kloru;

(8)

“produzzjoni integrata” tfisser li l-polpa u l-karta jiġu prodotti fl-istess sit. Il-polpa ma titnixxifx qabel il-manifatturar tal-karta. Il-produzzjoni tal-karta/kartun hija marbuta direttament mal-produzzjoni tal-polpa;

(9)

“karta jew kartun tal-polpa tal-injam mekkaniku” tfisser karta jew kartun li jkun fih polpa tal-injam mekkanika bħala kostitwent essenzjali mill-kompożizzjoni tal-fibra tiegħu;

(10)

“pigmenti u żebgħa b'bażi tal-metall” tfisser żebgħa u pigmenti li bil-piż ikollhom aktar minn 50 % tal-kompost(i) rilevanti tal-metall;

(11)

“produzzjoni mhux integrata” tfisser il-produzzjoni ta' polpa kummerċjali (għall-bejgħ) fi mtieħen li ma joperawx magni tal-karta, jew il-produzzjoni ta' karta/kartun billi tintuża biss polpa prodotta f'impjanti oħra (polpa kummerċjali);

(12)

“karta ta' kwalità baxxa mill-magna tal-karta” tfisser materjali tal-karta li jintremew fil-proċess bil-magna tal-karta iżda li jkollhom karatteristiċi li jippermettu li dawn jerġgħu jintużaw fil-post billi jiġu inkorporati lura fl-istess proċess ta' manifattura li jkun iġġenerahom. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, dan it-terminu ma għandux jiġi estiż għall-proċessi ta' konverżjoni, li huma kkunsidrati bħala proċessi differenti mill-magna tal-karta;

(13)

“pigmenti” tfisser solidi ta' partikoli organiċi jew inorganiċi kkuluriti, bojod jew fluworexxenti li ġeneralment ma jinħallux fil-veikolu jew is-sottostrat li jkunu inkorporati fihom, u essenzjalment ma jiġux affettwati fiżikament u kimikament mit-tali veikolu jew sottostrat. Dawn ibiddlu l-apparenza meta jkun hemm assorbiment selettiv u/jew tixrid tad-dawl. Il-pigmenti ġeneralment jinfirxu fil-veikoli jew is-sottostrati għall-applikazzjoni, pereżempju fil-manifattura tal-linka, iż-żebgħa jew materjali polimeriċi oħrajn. Il-pigmenti jżommu struttura tal-kristall jew tal-partikoli tul il-proċess taż-żebgħa;

(14)

“fibri rriċiklati” tfisser fibri ddevjati mill-kurrent tal-iskart waqt il-proċess tal-manifattura jew iġġenerati minn unitajiet domestiċi jew minn faċilitajiet kummerċjali, industrijali u istituzzjonali fir-rwol tagħhom bħala utenti finali tal-prodott. Dawn ma jistgħux ikomplu jiġu użati għall-iskop previst tagħhom. Dan jeskludi l-użu mill-ġdid ta' materjali ġġenerati fi proċess u li jistgħu jerġgħu jinġabru fl-istess proċess li jkun iġġenerahom (prodotti ta' kwalità baxxa mill-mitħna — prodotti minnhom stess jew mixtrija).

(15)

“polpa tat-TFC” tfisser polpa bbliċjata kompletament mingħajr kloru;

(16)

“TMP” tfisser polpa termomekkanika.

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 — Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja

Bħala prerekwiżit, is-sit ta' produzzjoni tal-polpa u l-karta għandha tissodisfa r-rekwiżiti legali rispettivi kollha tal-pajjiż fejn ikun.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità, sostnuta minn dokumentazzjoni u dikjarazzjonijiet rilevanti mingħand il-fornitur(i) tal-polpa.

Kriterju 1(a) Domanda għall-ossiġenu kimiku (COD), kubrit (S), NOx, fosforu (P)

Ir-rekwiżit huwa bbażat fuq informazzjoni dwar l-emissjonijiet b'rabta ma' valur referenzjarju speċifiku. Il-proporzjon ta' bejn l-emissjonijiet proprji u l-valur referenzjarju jirriżulta f'punteġġ tal-emissjonijiet.

Il-punteġġ għal kwalunkwe parametru tal-emissjonijiet individwali ma għandux jaqbeż il-1,3.

Fil-każijiet kollha, il-punteġġ totali (Ptotal = PCOD + PS + PNOx + PP) ma għandux jaqbeż l-4,0.

Fil-każ ta' produzzjoni mhix integrata, l-applikant għandu jipprovdi kalkolu li jinkludi l-produzzjoni tal-polpa u tal-karta.

Għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta b'mod ġenerali, il-kalkolazzjoni ta' PCOD għandha ssir kif ġej (PS, PNOx, u PP għandhom jiġu kkalkolati eżatt bl-istess mod).

Għal kull “i” ta' polpa li tintuża, l-emissjonijiet relatati mkejla ta' COD (polpa“i” tas-COD espressa f'kg/tunnellata mnixxfa bl-arja — ADt), għandhom ikunu ppeżati skont il-proporzjon ta' kull polpa użata (polpa “i” fir-rigward ta' tunnellata ta' polpa mnixxfa bl-arja), u magħduda flimkien. Tunnellata mnixxfa bl-arja tieħu 90 % ta' kontenut ta' materja mnixxfa għall-polpa, u 95 % għall-karta.

L-emissjoni ppeżata ta' COD għall-polpa mbagħad tiżdied mal-emissjoni mkejla ta' COD mill-produzzjoni tal-karta biex tagħti emissjoni totali ta' COD u COD totali.

Il-valur referenzjarju ppeżat ta' COD għall-produzzjoni tal-polpa għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod, bis-somma tal-valuri referenzjarji ppeżati għal kull polpa użata u magħdud mal-valur referenzjarju għall-produzzjoni tal-karta biex jagħti valur totali ta' referenza ta' COD valur COD ref, total. It-tabella 1 tinkludi l-valuri referenzjarji għal kull tip ta' polpa użata u għall-produzzjoni tal-karta.

Fl-aħħar nett, l-emissjoni totali ta' COD għandha tiġi diviża bil-valur referenzjarju totali ta' COD kif ġej:

Formula

Tabella 1

Valuri ta' referenza għal emissjonijiet minn tipi differenti ta' polpa u mill-produzzjoni tal-karta

Grad ta' polpa/karta

Emissjonijiet (kg/ADt)

COD referenza

P referenza

S referenza

NOx, referenza

Polpa kimika bbliċjata (għajr is-sulfit)

16,00

0,025

0,09 (1)

0,35

1,60

Polpa kimika bbliċjata (sulfit)

24,00

0,04

0,75

1,60

Polpa tas-sulfit tal-manjeżju

28,00

0,056

0,75

1,60

Polpa kimika mhux ibbliċjata

6,50

0,016

0,35

1,60

CTMP/CMP

16,00

0,008

0,20

0,25/0,70 (2)

TMP/polpa tal-injam mitħun

3,00,5,40 (3)

0,008

0,20

0,25

Polpa ta' fibra rriċiklata mingħajr it-tneħħija tal-linka

1,10

0,006

0,20

0,25

Polpa ta' fibra rriċiklata bit-tneħħija tal-linka

2,40

0,008

0,20

0,25

Mitħna tal-karta (kg/tunnellata)

1,00

0,008

0,30

0,70

F'każijiet ta' koġenerazzjoni ta' sħana u elettriku fl-istess impjant, l-emissjonijiet ta' S u NOx li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-post jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali. L-ekwazzjoni li ġejja tista' tintuża biex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku:

2 × (MWh(elettriku))/[2 × MWh(elettriku) + MWh(sħana)]

L-elettriku f'dan il-kalkolu huwa l-elettriku prodott fl-impjant ta' koġenerazzjoni. Is-sħana f'dan il-kalkolu hija s-sħana netta mwassla mill-impjant ta' koġenerazzjoni għall-produzzjoni tal-polpa/karta.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kalkoli ddettaljati u data tat-testijiet li juru l-konformità ma' dan il-kriterju, filmkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn relatata li tinkludi rapporti tat-testijiet bl-użu tal-metodi tat-test ta' monitoraġġ standard (jew metodi standard ekwivalenti li huma aċċettati mill-korp kompetenti bħala metodi li jipprovdu data ta' kwalità xjentifika ekwivalenti) kontinwi jew perjodiċi li ġejjin: COD: ISO 15705 jew ISO 6060; NOx: EN 14792 jew EN 11564 S (ossidi tal-kubrit): EN 14791 jew EPA nru 8; S (kubrit roditt): EPA nru 15 A, 16 A jew 16B; Kontenut ta' S fiż-żejt: ISO 8754; Kontenut ta' S fil-faħam: ISO 19579; Kontenut ta' S fil-bijomassa: EN 15289; P totali: EN ISO 6878

Testijiet rapidi jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet diment li dawn jiġu vverifikati regolarment (pereżempju, kull xahar) billi jitqabblu mal-istandards jew ekwivalenti xierqa li ssemmew qabel. Fil-każ ta' emissjonijiet tas-COD, monitoraġġ kontinwu bbażat fuq l-analiżi tal-karbonju organiku totali (TOC) għandu jiġi aċċettat sakemm korrelazzjoni bejn ir-riżultati tat-TOC u s-COD tkun ġiet stabbilita għas-sit inkwistjoni.

Il-frekwenza tal-kejl minima, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-permess tal-operat, għandha tkun ta' kuljum għall-emissjonijiet tas-COD u ta' kull ġimgħa għall-emissjonijiet totali ta' P. Fil-każijiet kollha, l-emissjonijiet ta' S u NOx għandhom jitkejlu fuq bażi kontinwa (għall-emissjonijiet mill-bojlers b'kapaċità li taqbeż il-50 MW) jew fuq bażi perjodika (tal-anqas darba f'sena għal bojlers u tagħmir li jnixxef b'kapaċità ta' anqas minn 50 MW kull wieħed jew daqs dak l-ammont).

Id-data għandha tkun irrappurtata bħala medji annwali ħlief f'każijiet fejn:

il-kampanja ta' produzzjoni tkun għal perjodu ta' żmien limitat biss;

l-impjant ta' produzzjoni ikun ġdid jew ikun inbena mill-ġdid, f'liema każ il-kejl għandu jkun ibbażat fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant.

Fi kwalunkwe każ, id-data tista' tiġi aċċettata biss jekk tkun rappreżentattiva tal-kampanja rispettiva u jkun ittieħed biżżejjed kejl għall-parametri ta' kull emissjoni.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl u l-kalkolu tal-punteġġ għas-COD, it-total ta' P, S u NOx.

L-emissjonijiet fl-arja għandhom jinkludu l-emissjonijiet kollha ta' S u NOx li jirriżultaw matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluż il-fwar iġġenerat barra l-post tal-produzzjoni, barra minn dawk l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku. Il-kejl għandu jinkludi l-bojlers ta' rkupru, il-kalkari tal-ġir, il-bojlers tal-fwar u l-fran għall-qerda ta' gassijiet b'riħa punġenti. L-emissjonijiet diffużi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Il-valuri rrappurtati tal-emissjonijiet tal-S fl-arja għandhom jinkludu kemm l-emissjonijiet tal-S ossidizzat u kemm ridott. L-emissjonijiet S relatati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tas-sħana miż-żejt, il-faħam u fjuwils esterni oħra b'kontenut magħruf ta' S jistgħu jiġu kkalkulati minflok imkejla, u għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-kejl tal-emissjonijiet fl-ilma għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, fil-punt tar-rilaxx tal-effluwent tal-impjant ta' trattament tal-ilma mormi tal-imtieħen. F'każijiet fejn l-effluwent mill-mitħna jintbagħat lejn impjant ta' trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' parti terza oħra, il-kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu mill-punt ta' rilaxx tad-drenaġġ effluwenti tal-mitħna għandhom jiġu analizzati u r-riżultati mmultiplikati b'fattur standard ta' effiċjenza fit-tneħħija għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' partijiet terzi. Il-fattur ta' effiċjenza fit-tneħħija għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operatur tal-impjant tat-trattament tal-ilma muniċipali mormi jew ta' parti terza oħra.

Għall-imtieħen integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri tal-emissjonijiet separati għall-polpa u l-karta, jekk ċifra kkumbinata tkun disponibbli biss għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri ta' emissjoni għall-polpa(i) għandhom ikunu stabbiliti għal żero u l-emissjonijiet ikkumbinati għandhom jitqabblu mal-valuri referenzjarji kkumbinati għall-produzzjoni rilevanti tal-polpa u tal-karta. Il-kontenut bil-piż għal kull polpa mogħti valur referenzjarju speċifiku mit-Tabella 1 għandu jiġi rifless fl-ekwazzjoni.

Kriterju 1(b) Aloġeni organiċi assorbibbli (AOX)

Dan il-kriterju jirreferi għall-polpa ħielsa mill-kloru elementali (ECF).

L-emissjonijiet ta' AOX mill-produzzjoni ta' kull polpa li tintuża fil-karta grafika tal-Ekotikketta tal-UE ma għandhomx jaqbżu iż-0,17 kg/ADt.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-testijiet li jużaw il-metodu tat-test AOX ISO 9562 jew metodi ekwivalenti, akkumpanjati minn kalkolazzjonijiet iddettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju u kwalunkwe dokumentazzjoni ta' sostenn relatata.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnuta minn lista tal-polpi tal-ECF differenti użati fit-taħlita tal-polpi, l-ippeżar rispettiv tagħhom u l-ammont individwali tagħhom ta' emissjonijiet ta' AOX, espressi f'kg ta' polpa ta' AOX/ADt.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl. L-AOX għandu jitkejjel biss fi proċessi fejn jintużaw il-komposti tal-kloru għall-ibbliċjar tal-polpa. L-AOX ma għandux għalfejn jitkejjel fl-effluwent mill-produzzjoni mhux integrata tal-karta jew fl-effluwenti mill-produzzjoni tal-polpa mingħajr ibbliċjar jew fejn l-ibbliċjar isir b'sustanzi mingħajr kloru.

Il-kejl tal-emissjonijiet tal-AOX fl-ilma għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, fil-punt tar-rilaxx tal-effluwenti tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi tal-imtieħen. F'każijiet fejn l-effluwent mill-mitħna jintbagħat lejn impjant ta' trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' parti terza oħra, il-kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu mill-punt ta' rilaxx tad-drenaġġ effluwenti tal-mitħna għandhom jiġu analizzati u r-riżultati mmultiplikati b'fattur standard ta' effiċjenza fit-tneħħija għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' partijiet terzi. Il-fattur ta' effiċjenza fit-tneħħija għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operatur tal-impjant tat-trattament tal-ilma muniċipali mormi jew ta' parti terza oħra.

L-informazzjoni dwar l-emissjonijiet għandha tiġi espressa bħala l-medja annwali mill-kejl meħud tal-anqas darba kull xahrejn. Fil-każ ta' impjant ta' produzzjoni ġdid jew li nbena mill-ġdid, il-kejl għandu jkun ibbażat fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant. Il-kejl għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

F'każ li l-applikant ma jużax polpa bl-ECF, dikjarazzjoni korrispondenti lill-korp kompetenti tkun biżżejjed.

Kriterju 1(c) CO2

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-fjuwils fossili użati għall-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku mill-proċessi (sew jekk fil-post u sew mhux fil-post) ma għandhomx jaqbżu l-valuri ta' limitu li ġejjin:

1.

1 100 kg ta' CO2/tunnellata għall-karta magħmula minn polpa li tkun 100 % mingħajr linka/irriċiklata;

2.

1 000 kg CO2/tunnellata għall-karta magħmula minn polpa li tkun 100 % kimika;

3.

1 600 kg CO2/tunnellata għall-karta magħmula minn polpa li tkun 100 % mekkanika.

Għall-karta komposta minn kwalunkwe taħlita ta' polpa kimika, polpa rriċiklata u polpa mekkanika, valur ta' limitu ppeżat għandu jiġu kkalkolat abbażi tal-proporzjon ta' kull tip ta' polpa fit-taħlita. Il-valur proprju tal-emissjonijiet għandu jiġi kkalkolat bħala t-total tal-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-polpa u l-karta, b'kunsiderazzjoni tat-taħlita ta' polpi użata.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi data u kalkoli dettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn relatata.

Għal kull polpa użata, il-manifattur tal-polpa għandu jipprovdi lill-applikant b'valur tal-emissjonijiet tas-CO2 uniku f'kg ta' CO2/ADt. L-applikant għandu jipprovdi wkoll valur tal-emissjonijiet tas-CO2 uniku għall-magna(i) tal-karta rilevanti użata(i) sabiex tiġi prodotta l-karta grafika tal-Ekotikketta tal-UE. Għall-imtieħen integrati, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-polpa u l-karta jistgħu jiġu rrappurtati bħala valur uniku.

Sabiex jiġi ddefinit il-massimu ta' emissjonijiet tas-CO2 permessi, l-applikant għandu jiddefinixxi t-taħlita tal-polpa f'termini ta' tip ta' polpa (jiġifieri, polpa kimika, polpa mekkanika u polpa rriċiklata).

Sabiex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet proprji ta' CO2, l-applikant għandu jiddefinixxi t-taħlita tal-polpa f'termini ta' polpi individwali fornuti, jikkalkula l-emissjonijiet peżati medji ta' CO2 għall-produzzjoni tal-polpa u jżid dan il-valur mal-emissjonijiet tas-CO2 mill-magna(i) tal-karta.

Id-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 għandha tinkludi s-sorsi kollha ta' fjuwils mhux rinnovabbli użati matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (sew fil-post u sew mhux fil-post).

Il-fatturi tal-emissjoni għall-fjuwils għandhom jintużaw f'konformità mal-Anness VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (4).

Għall-elettriku mill-grilja, fattur ta' kalkolazzjoni tal-emissjonijiet ta' 384 (kg ta' CO2/MWh) għandu jintuża skont il-metodoloġija MEErP (5).

Il-perjodu għall-kalkoli jew il-bilanċi tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni matul 12-il xahar. Fil-każ ta' impjant ta' produzzjoni ġdid jew li jkun inbena mill-ġdid, il-kalkolazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant. Il-kalkoli għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kampanja rispettiva.

Għall-elettriku tal-grilja, il-valur mogħti hawn fuq (il-medja Ewropea) għandu jintuża sakemm l-applikant ma jippreżentax dokumentazzjoni li tistabbilixxi l-valur medju għall-fornituri tiegħu tal-elettriku (fornituri kontraenti), f'liema każ l-applikant jista' juża dan il-valur minflok il-valur imsemmi. Id-dokumentazzjoni użata bħala prova ta' konformità għandha tinkludi speċifikazzjonijiet tekniċi li jindikaw il-valur medju (jiġifieri, kopja ta' kuntratt).

L-ammont ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli mixtrija u użata għall-proċessi tal-produzzjoni jgħodd bħala żero emissjonijiet tas-CO2 fil-kalkolu tal-emissjonijiet tas-CO2. L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li fil-mitħna fil-fatt tintuża din it-tip ta' ta' enerġija, jew inkella li din inxtrat b'mod estern.

Kriterju 2 — Użu tal-enerġija

Ir-rekwiżit huwa bbażat fuq informazzjoni dwar l-użu proprju tal-enerġija waqt il-produzzjoni tal-polpa u l-karta b'rabta ma' valuri referenzjarji speċifiċi.

Il-konsum tal-enerġija jinkludi l-konsum tal-elettriku u l-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana li għandu jiġi espress f'termini ta' punteġġi (Ptotal) kif inhu ddettaljat hawn taħt.

In-numru totali ta' punti (Ptotal = PE + PF) m'għandux jaqbeż it-2,5.

It-tabella 2 tinkludi l-valuri referenzjarji għall-kalkolazzjoni tal-konsum tal-enerġija.

Fil-każ ta' taħlita ta' polpi, il-valur referenzjarju għall-konsum tal-elettriku u l-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana għandu jiġi ppeżat skont il-proporzjon ta' kull polpa użata (polpa “i” fir-rigward ta' tunnellata ta' polpa mnixxfa bl-arja) u magħdudin flimkien.

Kriterju 2(a) Elettriku

Il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jkun espress f'termini ta' punti (PE) kif dettaljat hawn taħt.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull polpa “i” li tintuża, il-konsum relatat tal-elettriku (Epolpa,i espress f'kWh/ADT) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Epulp,i = elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Kalkolu għall-produzzjoni tal-karta: Bl-istess mod, il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-karta (Ekarta) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Ekarta = Elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaddu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta' punti (PE) kif ġej:

Formula

Fil-każ ta' mtieħen tal-karti integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-elettriku għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-elettriku għall-polpa(i) għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-mitħna tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa kif ukoll tal-karta.

Kriterju 2(b) Konsum tal-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana

Il-konsum ta' fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jiġi espress f'termini ta' punti (PF) kif dettaljat hawn taħt.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull i ta' polpa użata, il-konsum ta' fjuwil relatat (Fpolpa,i espressa f'kWh/ADT) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fpolpa,i = fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × l-elettriku prodott internament

Nota:

1.

F polpa,i (u l-kontribut tiegħu għall-polpa PF) ma għandux għalfejn jiġi kkalkulat għall-polpa mekkanika ħlief jekk tkun polpa mekkanika tas-suq imnixxfa bl-arja li jkun fiha tal-anqas 90 % materja niexfa.

2.

L-ammont ta' fjuwil li jintuża biex jipproduċi s-sħana mibjugħa għandu jiżdied mat-terminu fjuwil mibjugħ fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq.

Kalkolu għall-produzzjoni tal-karta: Bl-istess mod, il-konsum ta' fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-karta (Fkarta, espress f'kWh/ADT), għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fkarta = Fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × elettriku prodott internament

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaqdu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta' punti (PF) kif ġej:

Formula

Tabella 2

Valuri ta' referenza għall-elettriku u għall-fjuwil

Grad ta' polpa

Fjuwil kWh/ADt

Freferenza

Elettriku kWh/ADt

Ereferenza

Mhux admp

Admp

Mhux admp

admp

Polpa kimika

3 650

4 650

750

750

Polpa termomekkanika (TMP)

0

900

2 200

2 200

Polpa tal-injam mitħun (inkluż injam mitħun taħt pressjoni)

0

900

2 000

2 000

Polpa kimitermomekkanika (CTMP)

0

800

1 800

1 800

Polpa rriċiklata

350

1 350

600

600

Grad ta' karta

kWh/tunnellata

Karta fina mhux miksija, karta tar-rivisti (SC), karta tal-gazzetti

1 700

750

Karta fina miksija, karta miksija tar-rivisti (LWC, MWC)

1 700

800

admp = polpa tas-suq imnixxfa bl-arja

Valutazzjoni u verifika (kemm għal (a) u kemm għal (b)): L-applikant għandu jagħti kalkoli dettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mad-dokumentazzjoni ta' sostenn kollha relatata. Id-dettalji rrappurtati għalhekk għandhom jinkludu l-konsum totali ta' elettriku u ta' fjuwil.

L-applikant għandu jikkalkula l-inputs kollha ta' enerġija, maqsuma fi sħana/fjuwils u l-elettriku użati matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluża l-enerġija użata fit-tneħħija tal-linka tal-iskart tal-karti għall-produzzjoni tal-polpa rriċiklata. L-enerġija użata fit-trasport tal-materja prima, kif ukoll fil-konverżjoni u fl-imballaġġ, mhijiex inkluża fil-kalkoli tal-konsum tal-enerġija.

L-enerġija kollha tas-sħana tinkludi l-fjuwils kollha mixtrija. Din tinkludi wkoll l-enerġija tas-sħana rkuprata bl-inċinerazzjoni ta' likuri u skart mill-proċessi li jsiru fil-post (pereżempju skart tal-injam, serratura tal-injam, karta ta' kwalità baxxa) kif ukoll sħana rkuprata mill-ġenerazzjoni interna tal-elettriku. Madankollu, l-applikant għandu bżonn jgħodd biss 80 % tal-enerġija tas-sħana mit-tali sorsi fil-kalkolazzjoni tal-enerġija tas-sħana totali.

Enerġija elettrika tfisser l-elettriku nett impurtat li jkun ġej mill-grilja u l-ġenerazzjoni interna ta' elettriku mkejla bħala enerġija elettrika. L-elettriku użat għat-trattament tal-ilma mormi m'hemmx għalfejn jiġi inkluż.

Fejn il-fwar jiġi ġġenerat bl-użu tal-elettriku bħala s-sors tas-sħana, għandu jiġi kkalkulat il-valur tas-sħana tal-fwar, imbagħad jiġi diviż b'0,8 u jingħadd mal-konsum totali ta' fjuwil.

Fil-każ ta' mtieħen integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-fjuwil (sħana) għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-fjuwil (sħana) għall-polpa(i) għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-mitħna tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa u kemm tal-karta.

Kriterju 3 — Fibri — il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Il-materja prima tal-fibra fil-board tista' tikkonsisti minn fibri rriċiklati jew verġni.

Il-fibri verġni ma għandhomx joriġinaw minn speċijiet ta' OĠM.

Il-fibri kollha għandhom ikunu koperti minn katina valida ta' ċertifikati ta' kustodja maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC), il-Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti (PEFC) jew l-ekwivalenti, jew inkella koperti b'noti ta' wasla tal-karta għar-riċiklaġġ f'konformità ma' EN 643.

Tal-anqas 70 % tal-materjal tal-fibra allokat għall-prodott jew il-linja ta' produzzjoni għandu joriġina mill-foresti jew żoni ġestiti skont il-prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati mill-iskema rilevanti tal-katina ta' kustodja u/jew joriġina minn materjali rriċiklati.

L-użu mill-ġdid ta' materjali ta' skart li jistgħu jiġu rkuprati fl-istess proċess li jkun iġġenerahom (karta ta' kwalità baxxa mill-magna tal-karta — prodotti minnhom stess jew mixtrija) huwa eskluż mill-kalkolu tal-kontenut ta' fibri rriċiklati. Madankollu, l-input ta' karta ta' kwalità baxxa minn operat ta' konverżjoni (tagħhom stess jew mixtrija) jista' jiġi kkunsidrat li jikkontribwixxi għall-kontenut tal-fibra rriċiklata jekk kopert min-noti ta' twassil skont EN 643.

Kwalunkwe materjal verġni mhux iċċertifikat għandu jkun kopert minn sistema ta' verifika li tiżgura li dan ikun inkiseb b'mod legali u jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta' ċertifikazzjoni fir-rigward tal-materjal mhux ċertifikat.

Il-korpi ta' ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati tal-foresta u/jew tal-katina tal-kustodja għandhom ikunu akkreditati jew rikonoxxuti minn dik l-iskema ta' ċertifikazzjoni.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jagħti lill-korp kompetenti dikjarazzjoni ta' konformità sostnuta minn ċertifikat tal-katina ta' kustodja validu u ċċertifikat indipendentement mill-manifattur tal-karta grafika bl-Ekotikketta tal-UE u għall-fibri verġni kollha użati fil-prodott jew il-linja ta' produzzjoni. L-iskemi tal-FSC, tal-PEFC jew skemi ekwivalenti għandhom jiġu aċċettati bħala ċertifikazzjoni indipendenti minn parti terza. Fil-każ li tkun intużat fibra rriċiklata u ma jkunux intużaw dikjarazzjonijiet ta' riċiklaġġ FSC, PEFC jew ekwivalenti, l-evidenza għandha tkun koperta minn noti ta' twassil skont EN 643.

L-applikant għandu jipprovdi dokumenti ta' kontabbiltà awditjati li juru li tal-anqas 70 % tal-materjali allokati għall-produzzjoni jew il-linja ta' produzzjoni joriġinaw mill-foresti jew żoni ġestiti skont prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati mill-iskema tal-katina ta' kustodja rilevanti u indipendenti u/jew joriġinaw minn materjali rriċiklati.

Jekk il-prodott jew il-linja tal-produzzjoni jinkludu materjal verġni mhux iċċertifikat, għandha tingħata prova li l-kontenut tal-materjal verġni mhux iċċertifikat ma jaqbiżx it-30 % u jkun kopert minn sistema ta' verifika li tiżgura li jkun inkiseb legalment u li jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta' ċertifikazzjoni fir-rigward ta' materjal mhux iċċertifikat.

Jekk l-iskema ma tirrikjedix speċifikament li l-materjal verġni kollu jinkiseb minn speċijiet mhux OĠM, għandha tingħata evidenza addizzjonali biex jintwera dan.

Il-kriterju 4 — Sustanzi u taħlitiet perikolużi ristretti

Il-bażi sabiex tintwera l-konformità ma' kull wieħed mis-sottokriterji li jaqgħu taħt il-kriterju 4 għandha tkun li l-applikant jipprovdi lista tal-kimika rilevanti kollha użata flimkien mad-dokumentazzjoni xierqa (karta bid-data dwar is-sikurezza jew dikjarazzjoni mingħand il-fornitur tal-kimika).

Kriterju 4(a) Restrizzjonijiet fuq Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (SVHC)

Nota: Il-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karta għandhom jiġu skrinjati. Dan il-kriterju ma japplikax għall-kimika użata għat-trattament tal-ilma mormi sakemm l-ilma mormi trattat ma jiġix ċirkolat mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta.

Il-prodott tal-karta ma għandux ikun fih sustanzi li jkunu ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u inklużi fil-Lista ta' Kandidati għas-Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż). Ma għandha tingħata l-ebda deroga minn dan ir-rekwiżit.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-prodott tal-karta ma għandux Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż). Id-dikjarazzjoni għandha tkun sostnuta minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dikjarazzjonijiet xierqa mill-fornituri tal-kimika tal-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karti li juru li l-ebda waħda mis-sustanzi kimiċi ma għandha Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż).

Il-lista ta' sustanzi identifikati bħala Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tinsab hawnhekk:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp.

Għandha ssir referenza għal-lista fid-data tal-applikazzjoni.

Kriterju 4(b) Restrizzjonijiet ta' Klassifikazzjoni, Tikkettar u Imballaġġ (CLP)

Nota: Il-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karta għandhom jiġu skrinjati. Dan il-kriterju ma japplikax għall-kimika użata għat-trattament tal-ilma mormi sakemm l-ilma mormi trattat ma jiġix ċirkolat mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta.

Sakemm ma ssirx deroga fit-Tabella 3, il-prodott tal-karta ma għandux ikollu sustanzi jew taħlitiet f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż) li jkunu kklassifikati bi kwalunkwe waħda mid-dikjarazzjonijiet ta' periklu li ġejjin f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7):

Perikli ta'Grupp 1: Kategorija 1 A jew 1B karċinoġeniċi, mutaġeniċi u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR): H340, H350, H350i, H360, H360F, H360D, H360FD, H360Fd, H360Df.

Perikli ta'Grupp 2: CMR tal-Kategorija 2: H341, H351, H361, H361f, H361d, H361fd, H362; Tossiċità akkwatika tal-kategorija 1: H400, H410; Tossiċità akuta tal-kategorija 1 u 2: H300, H310, H330; Tossiċità mill-aspirazzjoni tal-kategorija 1: H304; Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira (STOT) tal-kategorija 1: H370, H372, Sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 (*1): H317.

Perikli ta'Grupp 3: Tossiċità akkwatika tal-kategoriji 2, 3 u 4: H411, H412, H413; Tossiċità akuta tal-kategorija 3: H301, H311, H331; STOT tal-kategorija 2: H371, H373.

L-użu ta' sustanzi jew taħlitiet li jkunu mmodifikati kimikament waqt il-proċess ta' produzzjoni tal-karta (pereżempju, aġenti flokkulanti inorganiċi, aġenti ta' retikolazzjoni, aġenti inorganiċi ossidizzanti u riduċenti) biex kwalunkwe periklu ta' CLP ristrett rilevanti ma jibqax japplika għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit imsemmi hawn fuq.

Tabella 3

Derogi mir-restrizzjonijiet ta' periklu ta' CLP u kondizzjonijiet applikabbli

Tip ta' sustanza/taħlita

Applikabbiltà

Klassifikazzjoni(jiet) derogata(i)

Kundizzjonijiet tad-deroga

Żebgħa u pigmenti

Użati f'applikazzjoni mxarrba aħħarija jew fuq superfiċe waqt il-produzzjoni ta' karta bil-kulur.

H411, H412, H413

Il-fornituri tal-kimika għandhom jiddikjaraw li rata ta' fissazzjoni ta' 98 % tista' tintlaħaq fuq il-karta u jipprovdu struzzjonijiet dwar kif dan jista' jiġi żgurat.

Il-produttur tal-karta għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' kwalunkwe struzzjoni rilevanti.

Żebgħa bażika

Iż-żebgħa tal-karta bbażata prinċipalment fuq il-polpa mekkanika u/jew polpa kimika mhix ibbliċjata.

H400, H410, H411, H412, H413, H317

Polimeri katjoniċi (inklużi polietileneimini, poliammidi u poliamini)

Diversi użi possibbli, inkluż dak bħala għajnuna għaż-żamma, titjib tas-saħħa tan-nisġa tal-fibri meta jixxarrbu, tas-saħħa meta l-karta tkun niexfa u meta tixxarrab.

H411, H412, H413

Il-produttur tal-karta għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' kwalunkwe struzzjoni rilevanti għall-ġestjoni u d-dożaġġ sikuri speċifikati fil-karta bid-data dwar is-sikurezza.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi lista tal-kimika rilevanti kollha użata flimkien mal-karta bid-data dwar is-sikurezza rilevanti jew dikjarazzjoni mill-fornitur.

Kwalunkwe kimika li jkollha sustanzi jew taħlitiet bi klassifikazzjonijiet ta' CLP ristretti għandha tiġi indikata. Ir-rata approssimattiva ta' dożaġġ tal-kimika, flimkien mal-konċentrazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita ristretta f'dik il-kimika (kif indikat fil-karta bid-data dwar is-sikurezza jew id-dikjarazzjoni tal-fornitur) u fattur ta' żamma preżunt ta' 100 % għandhom jintużaw sabiex tiġi stmata l-kwantità tas-sustanza jew it-taħlita ristretta li jifdal fil-prodott finali.

Għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet bil-miktub lill-korp kompetenti għal kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta' żamma ta' 100 % jew għal modifikazzjoni kimika ta' sustanza jew taħlita ta' periklu ristretta.

Għal kwalunkwe sustanza jew taħlita ristretta li taqbeż iż-0,10 % (piż b'piż) tal-prodott tal-karta finali b'deroga, għandha tiġi provduta prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet ta' deroga rilevanti.

Kriterju 4(c) Kloru

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produtturi tal-polpa u l-karta. Filwaqt li dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-ibbliċjar ta' fibri rriċiklati, huwa aċċettat li l-fibri fiċ-ċiklu tal-ħajja preċedenti tagħhom setgħu ġew ibbliċjati bil-gass tal-kloru.

Ma għandux jintuża gass tal-kloru bħala aġent tal-ibbliċjar. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-gass tal-kloru relatat mal-produzzjoni u l-użu tad-diossidu tal-kloru.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-gass tal-kloru ma ġiex użat bħala aġent tal-ibbliċjar fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta, flimkien ma' dikjarazzjoni mingħand kwalunkwe fornitur tal-polpa rilevanti.

Kriterju 4(d) Etossilati tal-Alkilfenol (APEOs)

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produtturi tal-polpa u l-karta.

Ma għandhomx jiżdiedu etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma' sustanzi kimiċi tat-tindif, sustanzi kimiċi li jneħħu l-linka, inibituri tar-ragħwa, dispersanti jew sustanzi ta' kisi. Id-derivattivi tal-alkilfenol huma ddefiniti bħala sustanzi li wara d-degradazzjoni jipproduċu l-alkilfenoli.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni(jiet) mill-fornitur(i) tas-sustanzi kimiċi tiegħu li ma żdidux etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma' dawn il-prodotti.

Kriterju 4(e) Surfattanti użati fit-tneħħija tal-linka

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur(i) tal-polpa bil-linka mneħħija.

Is-surfattanti kollha użati fil-proċessi tat-tneħħija tal-linka għandhom ikunu bijodegradabbli faċilment jew ikollhom bijodegradibbiltà finali inerenti (ara l-metodi ta' ttestjar u l-livelli ta' mogħdija hawn taħt). L-unika eżenzjoni għal dan ir-rekwiżit għandha tkun l-użu tas-surfattanti bbażati fuq derivittativi mis-siliċju sakemm il-ħama tal-karta mill-proċess tat-tneħħija tal-linka tkun inċinerata.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mal-karti bid-data dwar is-sikurezza rilevanti jew ir-rapporti tat-testijiet għal kull surfattant. Dawn għandhom jindikaw il-metodu tat-test, il-livell limitu u l-konklużjoni milħuqa bl-użu ta' wieħed mill-metodi tat-test u l-livelli ta' mogħdija li ġejjin:

Għall-bijodegradibbiltà faċli: OECD Nru 301 A-F (jew standards ISO ekwivalenti), b'persentaġġ ta' degradazzjoni (inkluż l-assorbiment) fi żmien 28 jum ta' għall-inqas 70 % għal 301 A u E, u ta' għall-inqas 60 % għal 301 B, C, D u F.

Għall-bijodegradibbiltà finali inerenti: OECD 302 A-C (jew standards ISO ekwivalenti), b'persentaġġ ta' degradazzjoni (inkluż l-assorbiment) fi żmien 28 jum ta' mill-anqas 70 % għal 302 A u B, u ta' mill-anqas 60 % għal 302 C.

F'każijiet fejn jintużaw surfattanti bbażati fuq is-siliċju, l-applikant għandu jipprovdi karta bid-data dwar is-sikurezza għall-kimika użata u dikjarazzjoni li l-ħama tal-karta mill-proċess tat-tneħħija tal-linka jkun ġie inċinerat, inklużi dettalji dwar id-destinazzjoni tal-faċilità jew il-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni.

Kriterju 4(f) Restrizzjonijiet tal-prodotti bijoċidali għall-kontroll tal-lgħab

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta.

Is-sustanzi attivi fi prodotti bijoċidali użati sabiex jikkumbattu organiżmi li jiffurmaw il-lgħab f'sistemi tal-ilma ta' ċirkolazzjoni li jkollhom il-fibri għandhom ikunu ġew approvati għal dan l-iskop, jew ikunu qed jiġu eżaminati huma u jistennew deċiżjoni dwar jekk jiġux approvati, skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ma għandhomx ikunu potenzjalment bijoakkumulattivi.

Għall-finijiet ta' dan il-kriterju, il-potenzjal tal-bijoakkumulazzjoni għandu jkun ikkaratterizzat minn log Kow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) ≤ 3,0 jew fattur ta' bijokonċentrazzjoni ≤ 100 iddeterminat b'mod esperimentali.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mal-karta tad-data dwar is-sikurezza tal-materjali rilevanti jew rapport tat-test. Dan għandu jindika l-metodu tat-test, il-livell limitu u l-konklużjoni milħuqa, bl-użu ta' wieħed mill-metodi tat-test li ġejjin: OECD 107, 117 jew 305 A-E.

Kriterju 4(g) Restrizzjonijiet taż-żebgħa azo

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta.

Iż-żebgħa azo, li permezz ta' tifriq riduttiv ta' grupp azo wieħed jew aktar tista' tirrilaxxa wieħed jew aktar mill-amini aromatiċi elenkati fid-Direttiva 2002/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 l-Anness XVII, l-Appendiċi 8, ma għandhiex tintuża fil-produzzjoni tal-karta grafika tal-Ekotikketta tal-UE.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha fil-proċess ta' produzzjoni tal-karta grafika tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur tal-koloranti għandha tkun sostnuta minn rapporti tat-testijiet skont il-metodi xierqa deskritti fl-Appendiċi 10 mal-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew metodi ekwivalenti.

Kriterju 4(h) Pigmenti u żebgħa b'bażi ta' metall

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta. Ara d-definizzjoni ta' pigmenti u żebgħa b'bażi ta' metall fil-Preambolu ta' dan l-Anness.

Żebgħa u pigmenti bbażati fuq l-aluminju (*2), il-fidda, l-arseniku, il-barju, il-kadmju, il-kobalt, il-kromju, ir-ram (*2), il-merkurju, il-manganiż, in-nikil, iċ-ċomb, is-selenju, l-antimoju, il-landa jew iż-żingu ma għandhomx jintużaw.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha użati fil-proċess ta' produzzjoni għall-karta grafika bl-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni(jiet) tal-fornitur għandha(hom) t/ikunu sotnuta(i) minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Kriterju 4(i) Impuritajiet joniċi f'materjali taż-żebgħa

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta.

Il-livelli tal-impuritajiet joniċi fil-materjali taż-żebgħa użati ma għandhomx jaqbżu dan li ġej: fidda 100 ppm; arseniku 50 ppm barju 100 ppm; kadmju 20 ppm kobalt 500 ppm kromju 100 ppm; ram 250 ppm merkurju 4 ppm; nikil 200 ppm ċomb 100 ppm; selenju 20 ppm; antimonju 50 ppm; landa 250 ppm; żingu 1 500 ppm.

Ir-restrizzjoni għall-impuritajiet tar-ram ma għandhiex tapplika għal prodotti ta' żebgħa bbażati fuq il-ftaloċjanin tar-ram.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha użati fil-proċess ta' produzzjoni għall-karta grafika bl-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni(jiet) tal-fornitur għandha(hom) t/ikunu sotnuta(i) minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Kriterju 5 — Immaniġġjar tal-iskart

Is-siti kollha ta' produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jkollhom sistema implimentata għall-ġestjoni tal-iskart li jirriżulta mill-proċess ta' produzzjoni u pjan ta' ġestjoni u minimizzazzjoni tal-iskart li jiddeskrivi l-proċess ta' produzzjoni u jinkludi informazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin:

1.

il-proċeduri fis-seħħ għall-prevenzjoni tal-iskart;

2.

il-proċeduri fis-seħħ għas-separazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

3.

il-proċeduri fis-seħħ għall-ġestjoni sikura ta' skart perikoluż;

4.

għanijiet u miżuri għal titjib kontinwu marbutin ma' ġenerazzjoni tal-iskart imnaqqsa u ż-żieda tal- użu mill-ġdid u r-rati ta' riċiklaġġ.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jagħti pjan ta' minimizzazzjoni u ġestjoni tal-iskart għal kull sit ikkonċernat u dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju.

L-applikanti rreġistrati mal-Iskema ta' Verifika u Ġestjoni Ambjentali tal-UE (EMAS) u/jew iċċertifikati skont ISO 14001 għandhom jitqiesu li ssodisfaw dan il-kriterju jekk:

1.

l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-iskart tkun iddokumentata fid-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS għas-sit(i) ta' produzzjoni, jew

2.

l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-iskart tkun indirizzata tajjeb biżżejjed miċ-ċertifikazzjoni tal-ISO 14001 għas-sit(i) ta' produzzjoni.

Kriterju 6 — Adegwatezza għall-użu

Il-prodott għandu jkun adattat għall-iskop tiegħu.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, flimkien ma' dokumentazzjoni xierqa ta' sostenn.

Il-produtturi għandhom jiggarantixxu l-adegwatezza għall-użu tal-prodotti tagħhom, billi jipprovdu dokumentazzjoni li turi l-kwalità tal-prodott f'konformità ma' EN ISO/IEC 17050. L-istandard jipprovdi kriterji ġenerali għad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-fornituri ma' dokumenti normattivi.

Kriterju 7 — Informazzjoni dwar l-imballaġġ

Tal-anqas biċċa informazzjoni minn din li ġejja għandha tidher fuq l-imballaġġ tal-prodott:

“Jekk jogħġbok stampa fuq żewġ naħat” (applikabbli għall-karta li tintuża fl-uffiċċji).

“Jekk jogħġbok iġbor il-karta użata għar-riċiklaġġ”.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnuta minn ritratt tal-imballaġġ tal-prodott bl-informazzjoni mitluba.

Kriterju 8 — Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

L-applikant għandu jsegwi l-istruzzjonijiet dwar kif juża b'mod xieraq il-logo tal-Ekotikketta tal-UE provduti fil-Linji gwaida dwar il-Logo tal-Ekotikketta tal-UE.

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf.

Jekk tintuża t-tikketta fakultattiva b'kaxxa għat-test, din għandu jkun fiha t-test li ġej:

Emissjonijiet baxxi fl-arja u l-ilma waqt il-produzzjoni;

Użu baxx tal-enerġija waqt il-produzzjoni;

xx % ta' fibri miksubin b'mod sostenibbli/xx % ta' fibri rriċiklati (Kif ikun xieraq).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnuta minn ritratt tal-imballaġġ tal-prodott li juri b'mod ċar it-tikketta, in-numru ta' reġistrazzjoni/liċenzja u, fejn ikun rilevanti, id-dikjarazzjonijiet li jistgħu jintwerew flimkien mat-tikketta.


(1)  Il-valur li huwa ogħla jirreferi għal imtieħen li jużaw l-ewkaliptu minn reġjuni b'livelli ogħla ta' fosforu (eż. l-ewkaliptu Iberjan).

(2)  Il-valur tal-emissjonijiet tad-NOx għal imtieħen tas-CTMP mhux integrati li jużaw it-tnixxif rapidu tal-polpa bi fwar ibbażat fuq il-bijomassa.

(3)  Il-valur ta' COD għal polpa mekkanika tassew ibbliċjata (70 — 100 % tal-fibra fil-karta finali).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, 12.7.2012, p. 30).

(5)  Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).

(*1)  Ir-restrizzjonijiet tal-H317 għandhom japplikaw biss għal formolazzjonijiet taż-żebgħa kummerċjali, aġenti għall-irfinar tas-superfiċe u materjali ta' kisi applikati għall-karta.

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2002/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 li temenda għad-dsatax-il darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (ażokoloranti) (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 15)

(*2)  Ir-restrizzjoni għar-ram għandha tiġi eżentata fil-każ tal-ftaloċijanin tar-ram u r-restrizzjoni għall-aluminju ma għandhiex tapplika għall-aluminjosilikati.


ANNESS II

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE SABIEX TINGĦATA L-EKOTIKKETTA TAL-UE GĦALL-KARTA TIXJU U PRODOTTI TAT-TIXJU

QAFAS

Għanijiet tal-kriterji

Il-kriterji jimmiraw, b'mod partikolari, li jnaqqsu r-rilaxx ta' sustanzi tossiċi jew ewtrofiċi fl-ilmijiet u d-dannu jew ir-riskji ambjentali relatati mal-użu tal-enerġija (it-tibdil fil-klima, l-aċidifikazzjoni, it-tnaqqis tal-ożonu, it-tnaqqis ta' riżorsi mhux rinnovabbli). Għal dan il-għan, il-kriterji jimmiraw li:

inaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet relatati fl-arja;

inaqqsu d-dannu ambjentali billi jnaqqsu l-emissjonijiet fl-ilma u l-ħolqien tal-iskart;

inaqqsu l-ħsara jew ir-riskji iambjentali marbutin mal-użu ta' kimika perikoluża, u

ijissalvagwardjaw il-foresti billi jirrikjedu li fibri rriċiklati u fibri verġni jinġiebu minn foresti u żoni li jkunu ġestiti b'mod sostenibbli.

Il-kriterji għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għal prodotti tal-“karta tat-tixju u prodotti tat-tixju”:

1.

Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja;

2.

L-użu tal-enerġija;

3.

Il-fibri: il-konservazzjoni tar-riżorsi, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

4.

Sustanzi u taħlitiet perikolużi ristretti;

5.

Ġestjoni tal-iskart:

6.

Rekwiżiti tal-prodott finali

7.

It-tagħrif li jidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

Il-kriterji ekoloġiċi jkopru l-produzzjoni tal-polpa li tinkludi s-sottoproċessi kostitwenti kollha mill-punt li fih il-fibra verġni jew il-fibra rriċiklata tidħol fis-sit tal-produzzjoni, sal-punt meta l-polpa toħroġ mill-fabbrika tal-polpa. Għall-proċessi ta' produzzjoni tal-karta, il-kriterji ekoloġiċi jkopru s-sottoproċessi kollha mit-tballit tal-polpa għall-produzzjoni tal-karta tat-tixju sat-tkebbib tal-karta fuq ir-romblu prinċipali.

L-użu tal-enerġija u l-emissjonijiet fl-ilma u l-arja waqt il-konverżjoni tal-karta tat-tixju fi prodotti tat-tixju mhumiex inklużi. Il-kriterji ekoloġiċi ma jkoprux it-trasport u l-imballaġġ tal-materja prima (pereżempju l-injam), il-polpa jew il-prodott finali tal-karta.

Valutazzjoni u verifika: Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-valutazzjoni u tal-verifika huma indikati f'kull kriterju.

Meta l-applikant ikun mitlub jipprovdi dikjarazzjonijiet, dokumentazzjoni, analiżijiet, rapporti ta' testijiet, jew evidenza oħra biex juri l-konformità mal-kriterji, dawn jistgħu joriġinaw mill-applikant u/jew mill-fornitur(i) tiegħu u/jew mill-fornituri tagħhom, eċċ., kif xieraq.

Il-korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu b'mod preferenzjali l-attestazzjonijiet li jinħarġu mill-korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għal-laboratorji tal-ittestjar u tal-ikkalibrar, u l-verifiki li jinħarġu minn korpi akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi.

Meta xieraq jistgħu jintużaw metodi tal-ittestjar oħrajn li mhumiex indikati għal kull kriterju, diment li l-korp kompetenti li jkun qed jeżamina l-applikazzjoni jaċċetta l-ekwivalenza tagħhom.

Fejn ikun xieraq, il-korpi kompetenti jistgħu jirrikjedu dokumentazzjoni ta' evidenza u jistgħu jwettqu verifiki indipendenti jew spezzjonijiet fuq il-post biex jivverifikaw il-konformità ma' dawn il-kriterji.

Il-prodott tat-tixju jeħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti rispettivi kollha tal-pajjiż fejn jitqiegħed fuq is-suq. L-applikant għandu jiddikjara l-konformità tal-prodott ma' dan ir-rekwiżit.

Għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tunnellata mnixxfa bl-arja” ta' polpa (ADt) espressa bħala xuttaġni ta' 90 %;

(2)

“polpa kimika” tfisser materjal fibruż li jinkiseb bit-tneħħija mill-materja prima ta' parti konsiderevoli mill-komposti mhux ċellulożiċi li jistgħu jitneħħew permezz ta' trattament kimiku (tisjir, delinjifikazzjoni, ibbliċjar);

(3)

“CMP” tfisser polpa kimikomekkanika;

(4)

“CTMP” tfisser polpa kemitermomekkanika;

(5)

“polpa bla linka” tfisser polpa magħmula minn karta rriċiklata li minnha jkunu tneħħew il-linka u kontaminanti oħrajn;

(6)

“żebgħa” tfisser sustanza organika b'kuluri intensi jew fluworexxenti biss, li tagħti l-kulur lil sottostrat permezz tal-assorbiment selettiv tad-dawl. Din tkun solubbli u/jew tgħaddi minn proċess ta' applikazzjoni li, tal-anqas b'mod temporanju, jeqred kwalunkwe struttura tal-kristall taż-żebgħa. Iż-żebgħa tinżamm fis-sottostrat billi tiġi assorbita, billi tinħall, u permezz ta' żamma mekkanika, jew permezz ta' rabtiet kimiċi joniċi jew kovalenti;

(7)

“polpa tal-EFC” tfisser polpa elementali bbliċjata mingħajr kloru;

(8)

“produzzjoni integrata” tfisser li l-polpa u l-karta jiġu prodotti fl-istess sit. Il-polpa ma titnixxifx qabel il-manifatturar tal-karta. Il-produzzjoni tal-karta/kartun hija marbuta direttament mal-produzzjoni tal-polpa;

(9)

“karta jew kartun tal-polpa tal-injam mekkaniku” tfisser karta jew kartun li jkun fih polpa tal-injam mekkanika bħala kostitwent essenzjali mill-kompożizzjoni tal-fibra tiegħu;

(10)

“pigmenti u żebgħa b'bażi tal-metall” tfisser żebgħa u pigmenti li bil-piż ikollhom aktar minn 50 % tal-kompost(i) rilevanti tal-metall;

(11)

“romblu prinċipali” tfisser romblu kbir ta' karta tat-tixju, imkebba fuq l-istazzjon tat-tkebbib, li jkopri l-wisa' kollha jew parti mill-wisa' tal-magna tal-karta tat-tixju;

(12)

“produzzjoni mhux integrata” tfisser il-produzzjoni ta' polpa kummerċjali (għall-bejgħ) fi mtieħen li ma joperawx magni tal-karta, jew il-produzzjoni ta' karta/kartun billi tintuża biss polpa prodotta f'impjanti oħra (polpa kummerċjali);

(13)

“karta ta' kwalità baxxa mill-magna tal-karta” tfisser materjali tal-karta li jintremew fil-proċess bil-magna tal-karta iżda li jkollhom karatteristiċi li jippermettu li dawn jerġgħu jintużaw fil-post billi jiġu inkorporati lura fl-istess proċess ta' manifattura li jkun iġġenerahom. Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, dan it-terminu ma għandux jiġi estiż għall-proċessi ta' konverżjoni, li huma kkunsidrati bħala proċessi differenti mill-magna tal-karta;

(14)

“pigmenti” tfisser solidi ta' partikoli organiċi jew inorganiċi kkuluriti, bojod jew fluworexxenti li ġeneralment ma jinħallux fil-veikolu jew is-sottostrat li jkunu inkorporati fihom, u essenzjalment ma jiġux affettwati fiżikament u kimikament mit-tali veikolu jew sottostrat. Dawn ibiddlu l-apparenza meta jkun hemm assorbiment selettiv u/jew tixrid tad-dawl. Il-pigmenti ġeneralment jinfirxu fil-veikoli jew is-sottostrati għall-applikazzjoni, pereżempju fil-manifattura tal-linka, iż-żebgħa jew materjali polimeriċi oħrajn. Il-pigmenti jżommu struttura tal-kristall jew tal-partikoli tul il-proċess taż-żebgħa.

(15)

“fibri rriċiklati” tfisser fibri ddevjati mill-kurrent tal-iskart waqt il-proċess tal-manifattura jew iġġenerati minn unitajiet domestiċi jew minn faċilitajiet kummerċjali, industrijali u istituzzjonali fir-rwol tagħhom bħala utenti finali tal-prodott. Dawn il-fibri ma jistgħux ikomplu jintużaw għall-iskop previst tagħhom. Dan jeskludi l-użu mill-ġdid ta' materjali ġġenerati fi proċess u li jistgħu jerġgħu jinġabru fl-istess proċess li jkun iġġenerahom (prodotti ta' kwalità baxxa mill-magna tal-karta — prodotti minnhom stess jew mixtrija).

(16)

“karta tat-tixju strutturata” tfisser karta kkaratterizzata minn kwantità kbira u kapaċità ta' assorbiment għolja miksuba b'partijiet lokali sinifikanti ta' densità tal-fibra għolja u baxxa f'forma ta' fibra fil-folja ta' bażi, iġġenerata permezz ta' proċessi speċifiċi fil-magna tal-karta tat-tixju.

(17)

“polpa tat-TFC” tfisser polpa bbliċjata kompletament mingħajr kloru;

(18)

“TMP” tfisser polpa termomekkanika.

IL-KRITERJI TAL-EKOTIKKETTA TAL-UE

Kriterju 1 — Emissjonijiet fl-ilma u fl-arja

Bħala prerekwiżit, is-sit ta' produzzjoni tal-polpa u l-karta għandha tissodisfa r-rekwiżiti legali rispettivi kollha tal-pajjiż fejn ikun.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità, sostnuta minn dokumentazzjoni u dikjarazzjonijiet rilevanti mingħand il-fornitur(i) tal-polpa.

Kriterju 1(a) Domanda għall-ossiġenu kimiku (COD), kubrit (S), NOx, fosforu (P)

Ir-rekwiżit huwa bbażat fuq informazzjoni dwar l-emissjonijiet b'rabta ma' valur referenzjarju speċifiku. Il-proporzjon ta' bejn l-emissjonijiet proprji u l-valur referenzjarju jirriżulta f'punteġġ tal-emissjonijiet.

Il-punteġġ għal kwalunkwe parametru tal-emissjonijiet individwali ma għandux jaqbeż il-1,3.

Fil-każijiet kollha, il-punteġġ totali (Ptotal = PCOD + PS + PNOx + PP) ma għandux jaqbeż l-4,0.

Fil-każ ta' produzzjoni mhix integrata, l-applikant għandu jipprovdi kalkolu li jinkludi l-produzzjoni tal-polpa u l-karta.

Għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta b'mod ġenerali, il-kalkolazzjoni ta' PCOD għandha ssir kif ġej (PS, PNOx, PP għandhom jiġu kkalkolati eżatt bl-istess mod).

Għal kull “i” ta' polpa li tintuża, l-emissjonijiet relatati mkejla ta' COD (polpa“i” tas-COD espressa f'kg/tunnellata mnixxfa bl-arja —ADt), għandhom ikunu ppeżati skont il-proporzjon ta' kull polpa użata (polpa “i” fir-rigward ta' tunnellata ta' polpa mnixxfa bl-arja), u magħduda flimkien. Tunnellata mnixxfa bl-arja tieħu 90 % ta' kontenut ta' materja mnixxfa għall-polpa, u 95 % għall-karta.

L-emissjoni ppeżata ta' COD għall-polpa mbagħad tiżdied mal-emissjoni mkejla ta' COD mill-produzzjoni tal-karta biex tagħti emissjoni totali ta' COD u COD total.

Il-valur referenzjarju ppeżat ta' COD għall-produzzjoni tal-polpa għandu jiġi kkalkulat bl-istess mod, bis-somma tal-valuri referenzjarji ppeżati għal kull polpa użata u magħdud mal-valur referenzjarju għall-produzzjoni tal-karta biex jagħti valur totali ta' referenza ta' COD valur COD ref, total. It-tabella 1 tinkludi l-valuri referenzjarji għal kull tip ta' polpa użata u għall-produzzjoni tal-karta.

Fl-aħħar nett, l-emissjoni totali ta' COD għandha tiġi diviża bil-valur referenzjarju totali ta' COD kif ġej:

Formula

Tabella 1

Valuri ta' referenza minn tipi differenti ta' polpa u mill-produzzjoni tal-karta

Grad ta' Polpa/Karta

Emissjonijiet (kg/ADt)

COD referenza

P referenza

S referenza

NOx referenza

Polpa kimika bbliċjata (barra mis-sulfit)

16,00

0,025

0,09 (1)

0,35

1,60

Polpa kimika bbliċjata (sulfit)

24,00

0,04

0,75

1,60

Polpa tas-sulfit tal-manjeżju

28,00

0,056

0,75

1,60

Polpa kimika mhux ibbliċjata

6,50

0,016

0,35

1,60

CTMP/CMP

16,00

0,008

0,20

0,25–0,70 (2)

TMP/polpa tal-injam mitħun

3,00/5,40 (3)

0,008

0,20

0,25

Polpa ta' fibra rriċiklata mingħajr it-tneħħija tal-linka

1,10

0,006

0,20

0,25

Polpa ta' fibra rriċiklata bit-tneħħija tal-linka

3,20

0,012

0,20

0,25

 

Emissjonijiet (kg/tunnellata)

Produzzjoni tal-karta tat-tixju

1,20

0,01

0,30

0,50

Produzzjoni ta' karta tat-tixju strutturata

1,20

0,01

0,30

0,70

F'każijiet ta' koġenerazzjoni ta' sħana u elettriku fl-istess impjant, l-emissjonijiet ta' S u NOx li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku fil-post jistgħu jitnaqqsu mill-ammont totali. L-ekwazzjoni li ġejja tista' tintuża biex jiġi kkalkulat il-proporzjon tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-ġenerazzjoni tal-elettriku:

2 × (MWh(elettriku))/[2 × MWh(elettriku) + MWh(sħana)]

L-elettriku f'dan il-kalkolu huwa l-elettriku prodott fl-impjant ta' koġenerazzjoni. Is-sħana f'dan il-kalkolu hija s-sħana netta mwassla mill-impjant ta' koġenerazzjoni għall-produzzjoni tal-polpa/karta.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi kalkoli ddettaljati u data tat-testijiet li juru l-konformità ma' dan il-kriterju, filmkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn relatata li tinkludi rapporti tat-testijiet bl-użu tal-metodi tat-test ta' monitoraġġ standard (jew metodi standard ekwivalenti li huma aċċettati mill-korp kompetenti bħala metodi li jipprovdu data ta' kwalità xjentifika ekwivalenti) kontinwi jew perjodiċi li ġejjin: COD: ISO 15705 jew ISO 6060; NOx: EN 14792 jew EN 11564; S (Ossidi tal-kubrit): EN 14791 jew EPA nru 8; S (kubrit roditt): EPA nru 15 A, 16 A jew 16B; Kontenut ta' S fiż-żejt: ISO 8754; Kontenut ta' S fil-faħam: ISO 19579; Kontenut ta' S fil-bijomassa: EN 15289; P totali: EN ISO 6878

Testijiet rapidi jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet diment li dawn jiġu vverifikati regolarment (pereżempju, kull xahar) billi jitqabblu mal-istandards jew ekwivalenti xierqa li ssemmew qabel. Fil-każ ta' emissjonijiet tas-COD, monitoraġġ kontinwu bbażat fuq l-analiżi tal-karbonju organiku totali (TOC) għandu jiġi aċċettat diment li tkun ġiet stabbilita korrelazzjoni bejn ir-riżultati tat-TOC u s-COD għas-sit inkwistjoni.

Il-frekwenza tal-kejl minima, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor fil-permess tal-operat, għandha tkun ta' kuljum għall-emissjonijiet tas-COD u ta' kull ġimgħa għall-emissjonijiet totali ta' P. Fil-każijiet kollha, l-emissjonijiet ta' S u NOx għandhom jitkejlu fuq bażi kontinwa (għall-emissjonijiet mill-bojlers b'kapaċità li taqbeż il-50 MW) jew fuq bażi perjodika (tal-anqas darba f'sena għal bojlers u tagħmir li jnixxef b'kapaċità ta' anqas minn 50 MW kull wieħed jew daqs dak l-ammont).

Id-data għandha tkun irrappurtata bħala medji annwali ħlief f'każijiet fejn:

il-kampanja ta' produzzjoni tkun għal perjodu ta' żmien limitat biss;

l-impjant ta' produzzjoni ikun ġdid jew ikun inbena mill-ġdid, f'liema każ il-kejl għandu jkun ibbażat fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant.

Fi kwalunkwe każ, id-data tista' tiġi aċċettata biss jekk tkun rappreżentattiva tal-kampanja rispettiva u jkun ittieħed biżżejjed kejl għall-parametri ta' kull emissjoni.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl u l-kalkolu tal-punteġġ għas-COD, it-total ta' P, S u NOx.

L-emissjonijiet għandhom jinkludu l-emissjonijiet kollha ta' S u NOx li jirriżultaw matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluż il-fwar iġġenerat barra l-post tal-produzzjoni, barra minn dawk l-emissjonijiet relatati mal-produzzjoni tal-elettriku. Il-kejl għandu jinkludi l-bojlers ta' rkupru, il-kalkari tal-ġir, il-bojlers tal-fwar u l-fran għall-qerda ta' gassijiet b'riħa punġenti. L-emissjonijiet diffużi għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Il-valuri rrappurtati tal-emissjonijiet ta' S fl-arja għandhom jinkludu kemm l-emissjonijiet ta' S ossidizzat u kemm ridott. L-emissjonijiet S relatati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tas-sħana miż-żejt, il-faħam u fjuwils esterni oħra b'kontenut magħruf ta' S jistgħu jiġu kkalkulati minflok imkejla, u għandhom jiġu kkunsidrati.

Il-kejl tal-emissjonijiet fl-ilma għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, fil-punt tar-rilaxx tal-effluwent tal-impjant ta' trattament tal-ilma mormi tal-imtieħen. F'każijiet fejn l-effluwent mill-mitħna jintbagħat lejn impjant ta' trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' parti terza oħra, il-kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, meħuda mill-punt ta' rilaxx tad-drenaġġ effluwenti tal-mitħna, għandhom jiġu analizzati u r-riżultati mmultiplikati b'fattur standard ta' effiċjenza fit-tneħħija għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' partijiet terzi. Il-fattur ta' effiċjenza fit-tneħħija għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operatur tal-impjant tat-trattament tal-ilma muniċipali mormi jew ta' parti terza.

Għall-imtieħen integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri tal-emissjonijiet separati għall-polpa u l-karta, jekk ċifra kkumbinata tkun disponibbli biss għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri ta' emissjoni għall-polpa(i) għandhom ikunu stabbiliti għal żero u l-emissjonijiet ikkumbinati għandhom jitqabblu mal-valuri referenzjarji kkumbinati għall-produzzjoni rilevanti tal-polpa u tal-karta. Il-kontenut bil-piż għal kull polpa mogħti valur referenzjarju speċifiku mit-Tabella 1 għandu jiġi rifless fl-ekwazzjoni.

Kriterju 1(b) Aloġeni organiċi assorbibbli (AOX)

Dan il-kriterju jirreferi għall-polpa ħielsa mill-kloru elementali (ECF).

L-emissjonijiet ta' AOX mill-produzzjoni ta' kull polpa li tintuża fil-karta tixju tal-Ekotikketta tal-UE ma għandhomx jaqbżu ż-0,17 kg/ADt.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi rapporti tat-testijiet li jużaw il-metodu tat-test AOX ISO 9562 jew metodi ekwivalenti, akkumpanjati minn kalkolazzjonijiet iddettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju u minn kull dokumentazzjoni ta' sostenn relatata li jkun hemm.

L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnuta minn lista tal-polpi tal-ECF differenti użati fit-taħlita tal-polpi, l-ippeżar rispettiv tagħhom u l-ammont individwali tagħhom ta' emissjonijiet ta' AOX, espressi f'kg ta' polpa ta' AOX/ADt.

Id-dokumentazzjoni ta' sostenn għandha tinkludi indikazzjoni tal-frekwenza tal-kejl. L-AOX għandu jitkejjel biss fi proċessi fejn jintużaw il-komposti tal-kloru għall-ibbliċjar tal-polpa. L-AOX ma għandux għalfejn jitkejjel fl-effluwent mill-produzzjoni mhux integrata tal-karta jew fl-effluwenti mill-produzzjoni tal-polpa mingħajr ibbliċjar jew fejn l-ibbliċjar isir b'sustanzi mingħajr kloru.

Il-kejl tal-emissjonijiet tal-AOX fl-ilma għandu jittieħed fuq kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, fil-punt tar-rilaxx tal-effluwenti tal-impjant tat-trattament tal-ilma mormi tal-imtieħen. F'każijiet fejn l-effluwent mill-mitħna jintbagħat lejn impjant ta' trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' parti terza oħra, il-kampjuni mhux iffiltrati u li ma jkunux qagħdu, meħuda mill-punt ta' rilaxx tad-drenaġġ effluwenti tal-mitħna, għandhom jiġu analizzati u r-riżultati mmultiplikati b'fattur standard ta' effiċjenza fit-tneħħija għall-impjant tat-trattament tal-ilma mormi muniċipali jew ta' partijiet terzi. Il-fattur ta' effiċjenza fit-tneħħija għandu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-operatur tal-impjant tat-trattament tal-ilma muniċipali mormi jew ta' parti terza.

L-informazzjoni dwar l-emissjonijiet għandha tiġi espressa bħala l-medja annwali mill-kejl meħud tal-anqas darba kull xahrejn. Fil-każ ta' impjant ta' produzzjoni ġdid jew li nbena mill-ġdid, il-kejl għandu jkun ibbażat fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant. Dan għandu jkun rappreżentattiv tal-kampanja rispettiva.

F'każ li l-applikant juża biss polpa mhux bl-ECF, dikjarazzjoni korrispondenti lill-korp kompetenti tkun biżżejjed.

Kriterju 1(c) CO2

Nota: Il-kriterju jirreferi għas-somma totali ta' emissjonijiet tas-CO2 mill-proċessi ta' manifattura tal-polpa u l-karta. Il-konverżjoni mhijiex inkluża.

L-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-fjuwils fossili użati għall-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku mill-proċessi (sew jekk fil-post u sew mhux fil-post) ma għandhomx jaqbżu l-valuri ta' limitu li ġejjin:

1.

1 200 kg ta' CO2/tunnellata għall-karta tat-tixju konvenzjonali,

2.

1 850 kg ta' CO2/tunnellata għal karta tat-tixju strutturata.

Il-valur proprju tal-emissjonijiet għandu jiġi kkalkolat bħala t-total tal-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-polpa u l-karta, b'kunsiderazzjoni tat-taħlita tal-polpi użati.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi data u kalkoli dettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn relatata.

Għal kull polpa użata, il-manifattur tal-polpa għandu jipprovdi lill-applikant b'valur tal-emissjonijiet tas-CO2 uniku f'kg ta' CO2/ADt. L-applikant għandu jipprovdi wkoll valur tal-emissjonijiet tas-CO2 uniku għall-magna(i) tal-karta rilevanti użata(i) sabiex tiġi prodotta l-karta tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE. Għall-imtieħen integrati, l-emissjonijiet tas-CO2 mill-produzzjoni tal-polpa u l-karta jistgħu jiġu rrappurtati bħala valur uniku.

Id-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 għandha tinkludi s-sorsi kollha ta' fjuwils mhux rinnovabbli użati matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inklużi l-emissjonijiet mill-produzzjoni tal-elettriku (sew fil-post u sew mhux fil-post).

Il-fatturi tal-emissjoni għall-fjuwils għandhom jintużaw f'konformità mal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 601/2012.

Għall-elettriku mill-grilja, fattur ta' kalkolazzjoni tal-emissjonijiet ta' 384 (kg ta' CO2/MWh) għandu jintuża skont il-metodoloġija MEErP (4).

Il-perjodu għall-kalkoli jew il-bilanċi tal-massa għandu jkun ibbażat fuq il-produzzjoni matul 12-il xahar. Fil-każ ta' impjant ta' produzzjoni ġdid jew li jkun inbena mill-ġdid, il-kalkolazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq tal-anqas 45 jum sussegwenti ta' operat stabbli tal-impjant. Il-kalkoli għandhom ikunu rappreżentattivi tal-kampanja rispettiva.

Għall-elettriku tal-grilja, il-valur mogħti hawn fuq (il-medja Ewropea) għandu jintuża sakemm l-applikant ma jippreżentax dokumentazzjoni li tistabbilixxi l-valur medju għall-fornituri tiegħu tal-elettriku (fornitur kontraenti), f'liema każ l-applikant jista' juża dan il-valur minflok il-valur imsemmi. Id-dokumentazzjoni użata bħala prova ta' konformità għandha tinkludi speċifikazzjonijiet tekniċi li jindikaw il-valur medju (jiġifieri, kopja ta' kuntratt).

L-ammont ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli mixtrija u użati għall-proċessi tal-produzzjoni jgħodd bħala żero emissjonijiet tas-CO2 fil-kalkolu tal-emissjonijiet ta' CO2. L-applikant għandu jipprovdi dokumentazzjoni xierqa li din it-tip ta' enerġija fil-fatt tintuża fil-mitħna jew inxtrat b'mod estern.

Kriterju 2 — Użu tal-enerġija

Ir-rekwiżit huwa bbażat fuq informazzjoni dwar l-użu proprju tal-enerġija waqt il-produzzjoni tal-polpa u l-karta b'rabta ma' valuri referenzjarji speċifiċi.

Il-konsum tal-enerġija jinkludi l-konsum tal-elettriku u l-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana li għandu jiġi espress f'termini ta' punteġġi (Ptotal) kif inhu ddettaljat hawn taħt.

In-numru totali ta' punteġġi (Ptotal = PE + PF) m'għandux ikun ta' iktar minn 2,5.

It-tabella 2 tinkludi l-valuri referenzjarji għall-kalkolazzjoni tal-konsum tal-enerġija.

Fil-każ ta' taħlita ta' polpi, il-valur referenzjarju għall-konsum tal-elettriku u l-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana għandu jiġi ppeżat skont il-proporzjon ta' kull polpa użata (polpa “i” fir-rigward ta' tunnellata ta' polpa mnixxfa bl-arja) u magħdudin flimkien.

Kriterju 2(a) Elettriku

Il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jkun espress f'termini ta' punti (PE) kif dettaljat hawn taħt.

Kalkolazzjoni għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull i ta' polpa li tintuża, il-konsum relatat tal-elettriku (Epolpa,i espress f'kWh/ADT) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Epolpa,i = elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Kalkolazzjoni għall-produzzjoni tal-karta: Bl-istess mod, il-konsum tal-elettriku relatat mal-produzzjoni tal-karta (Ekarta) għandu jiġi kkalkolat kif ġej:

Ekarta = elettriku prodott internament + elettriku mixtri – elettriku mibjugħ

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaddu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta' punti (PE) kif ġej:

Formula

Fil-każ ta' mtieħen tal-karti integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-elettriku għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-elettriku għall-polpa(i) għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-mitħna tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa kif ukoll tal-karta.

Kriterju 2(b) Konsum tal-fjuwil għall-produzzjoni tas-sħana

Il-konsum ta' fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-polpa u l-karta għandu jiġi espress f'termini ta' punti (PF) kif dettaljat hawn taħt.

Kalkolazzjoni għall-produzzjoni tal-polpa: Għal kull i ta' polpa użata, il-konsum ta' fjuwil relatat (Fpolpa,i espressa f'kWh/ADT) għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fpolpa,i = fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × l-elettriku prodott internament

Nota:

1.

F polpa,i (u l-kontribut tiegħu għall-polpa PF) ma għandux għalfejn jiġi kkalkulat għall-polpa mekkanika ħlief jekk tkun polpa mekkanika tas-suq imnixxfa bl-arja li jkun fiha tal-anqas 90 % materja niexfa.

2.

L-ammont ta' fjuwil li jintuża biex jipproduċi s-sħana mibjugħa għandu jiżdied mat-terminu “fjuwil mibjugħ” fl-ekwazzjoni ta' hawn fuq.

Kalkolazzjoni għall-produzzjoni tal-karta: Bl-istess mod, il-konsum ta' fjuwil relatat mal-produzzjoni tal-karta (Fkarta, espress f'kWh/ADT), għandu jiġi kkalkulat kif ġej:

Fkarta = fjuwil prodott internament + fjuwil mixtri – fjuwil mibjugħ – 1,25 × elettriku prodott internament

Fl-aħħar nett, il-punti għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karta għandhom jingħaqdu sabiex jagħtu l-għadd kumplessiv ta' punti (PF) kif ġej:

Formula

Tabella 2

Valuri referenzjarji għall-elettriku u għall-fjuwil

Grad tal-polpa

Fjuwil kWh/ADt

Freferenza

Elettriku kWh/ADt

Ereferenza

Mhux admp

admp

Mhux admp

admp

Polpa kimika

3 650 munita

4 650 munita

750

750

Polpa termomekkanika (TMP)

0

900

2 200 munita

2 200 munita

Polpa ta' njam mitħun (inkluż injam mitħun taħt pressjoni)

0

900

2 000

2 000

Polpa kimitermomekkanika (CTMP)

0

800

1 800

1 800

Polpa rriċiklata

350

1 350

700

700

Grad tal-karta

kWh/tunnellata

Karta tat-tixju

1 950

950

Tixju strutturata

3 000

1 500

admp = polpa tas-suq imnixxfa bl-arja.

Valutazzjoni u verifika (kemm għal (a) u kemm għal (b)): L-applikant għandu jagħti kalkoli dettaljati li juru konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mad- dokumentazzjoni ta' sostenn kollha relatata. Id-dettalji rrappurtati għalhekk għandhom jinkludu l-konsum totali ta' elettriku u ta' fjuwil.

L-applikant għandu jikkalkola l-inputs kollha tal-enerġija, maqsuma fi sħana/fjuwils u l-elettriku użati matul il-produzzjoni tal-polpa u l-karta, inkluża l-enerġija użata fit-tneħħija tal-linka mill-iskart tal-karti għall-produzzjoni tal-polpa rriċiklata. L-enerġija użata fit-trasportazzjoni tal-materja prima, kif ukoll fl-imballaġġ, mhix inkluża fil-kalkoli tal-konsum tal-enerġija.

L-enerġija kollha tas-sħana tinkludi l-fjuwils kollha mixtrija. Din tinkludi wkoll l-enerġija tas-sħana rkuprata bl-inċinerazzjoni ta' likuri u skart mill-proċessi li jsiru fil-post (pereżempju skart tal-injam, serratura tal-injam, karta ta' kwalità baxxa) kif ukoll sħana rkuprata mill-ġenerazzjoni interna tal-elettriku. Madankollu, l-applikant għandu bżonn jgħodd biss 80 % tal-enerġija tas-sħana mit-tali sorsi fil-kalkolazzjoni tal-enerġija tas-sħana totali.

L-enerġija elettrika tfisser l-elettriku nett impurtat li jkun ġej mill-grilja u l-ġenerazzjoni interna ta' elettriku mkejla bħala enerġija elettrika. L-elettriku użat għat-trattament tal-ilma mormi ma hemmx għalfejn jiġi inkluż.

Fejn il-fwar jiġi ġġenerat bl-użu tal-elettriku bħala s-sors tas-sħana, għandu jiġi kkalkulat il-valur tas-sħana tal-fwar, imbagħad jiġi diviż b'0,8 u magħdud mal-konsum totali ta' fjuwil.

Fil-każ ta' mtieħen integrati, minħabba d-diffikultajiet sabiex jinkisbu ċifri separati tal-fjuwil (sħana) għall-polpa u l-karta, jekk tkun disponibbli biss ċifra kkombinata għall-produzzjoni tal-polpa u l-karta, il-valuri tal-fjuwil (sħana) għall-polpa(i) għandhom jiġu ssettjati għal żero u ċ-ċifra għall-mitħna tal-karti għandha tinkludi kemm il-produzzjoni tal-polpa u kemm tal-karta.

Kriterju 3 — Fibri — il-konservazzjoni tar-riżorsi, ġestjoni sostenibbli tal-foresti

Il-materja prima tal-fibra tista' tikkonsisti minn fibri rriċiklati jew verġni.

Il-fibri verġni ma għandhomx joriġinaw minn speċijiet ta' OĠM.

Il-fibri kollha għandhom ikunu koperti minn katina valida ta' ċertifikati ta' kustodja maħruġin minn skema ta' ċertifikazzjoni ta' parti terza indipendenti bħall-Kunsill tal-Amministrazzjoni Forestali (FSC), il-Programm għall-Approvazzjoni taċ-Ċertifikazzjoni tal-Foresti (PEFC) jew l-ekwivalenti, jew inkella koperti b'noti ta' wasla tal-karta għar-riċiklaġġ f'konformità ma' EN 643.

Tal-anqas 70 % tal-materjal tal-fibra allokat għall-prodott jew il-linja ta' produzzjoni għandu joriġina mill-foresti jew żoni ġestiti skont il-prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati mill-iskema rilevanti tal-katina ta' kustodja u/jew joriġina minn materjali rriċiklati.

Huwa eskluż mill-kalkolu tal-kontenut ta' fibri rriċiklati, l-użu mill-ġdid ta' materjali ta' skart li jistgħu jiġu rkuprati fl-istess proċess li jkun iġġenerahom (karta ta' kwalità baxxa mill-magna tal-karta – prodotti minnhom stess jew mixtrija). Madankollu, l-input ta' karta ta' kwalità baxxa minn operat ta' konverżjoni (tagħhom stess jew mixtrija) jista' jiġi kkunsidrat li jikkontribwixxi għall-kontenut tal-fibra rriċiklata jekk kopert min-nota ta' twassil skont EN 643.

Kwalunkwe materjal verġni mhux iċċertifikat għandu jkun kopert minn sistema ta' verifika li tiżgura li dan ikun inġieb b'mod legali u jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta' ċertifikazzjoni fir-rigward tal-materjal mhux iċċertifikat.Il-korpi ta' ċertifikazzjoni li joħorġu ċ-ċertifikati tal-foresta u/jew tal-katina tal-kustodja għandhom ikunu akkreditati jew rikonoxxuti minn dik l-iskema ta' ċertifikazzjoni.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jagħti lill-korp kompetenti dikjarazzjoni ta' konformità sostnuta minn ċertifikat tal-katina ta' kustodja validu u ċċertifikat indipendentement mill-manifattur tal-karta tat-tixju bl-Ekotikketta tal-UE u għall-fibri kollha użati fil-prodott jew il-linja ta' produzzjoni. L-iskemi tal-FSC, tal-PEFC jew skemi ekwivalenti għandhom jiġu aċċettati bħala ċertifikazzjoni indipendenti minn parti terza. Fil-każ li tkun intużat fibra rriċiklata u ma jkunux intużaw dikjarazzjonijiet ta' riċiklaġġ FSC, PEFC jew ekwivalenti, l-evidenza għandha tkun koperta minn noti ta' twassil skont EN 643.

L-applikant għandu jipprovdi dokumenti ta' kontabbiltà awditjati li juru li tal-anqas 70 % tal-materjali allokati għall-produzzjoni jew il-linja ta' produzzjoni joriġinaw mill-foresti jew żoni ġestiti skont prinċipji ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati mill-iskema tal-katina ta' kustodja rilevanti u indipendenti u/jew joriġinaw minn materjali rriċiklati.

Jekk il-prodott jew il-linja tal-produzzjoni jinkludu materjal verġni mhux iċċertifikat, għandha tingħata prova li l-kontenut tal-materjal verġni mhux iċċertifikat ma jaqbiżx it-30 % u jkun kopert minn sistema ta' verifika li tiżgura li jkun inkiseb legalment u li jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ieħor tal-iskema ta' ċertifikazzjoni fir-rigward ta' materjal mhux iċċertifikat.

Jekk l-iskema ma tirrikjedix speċifikament li l-materjal verġni kollu jinkiseb minn speċijiet mhux OĠM, għandha tingħata evidenza addizzjonali biex jintwera dan.

Kriterju 4 — Sustanzi u taħlitiet perikolużi ristretti

Il-bażi sabiex tintwera l-konformità ma' kull wieħed mis-sottokriterji li jaqgħu taħt il-kriterju 4 għandha tkun li l-applikant jipprovdi lista tal-kimika rilevanti kollha użata flimkien mad-dokumentazzjoni xierqa (karta bid-data dwar is-sikurezza jew dikjarazzjoni mingħand il-fornitur tal-kimika).

Kriterju 4(a) Restrizzjonijiet fuq Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna (SVHC)

Nota: Il-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karta u, fejn ikun rilevanti, waqt il-proċess ta' konverżjoni tal-karta tixju għandhom jiġu skrinjati. Dan il-kriterju ma japplikax għall-kimika użata għat-trattament tal-ilma mormi sakemm l-ilma mormi trattat ma jiġix iċċirkolat mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta.

Il-prodott tal-karta ma għandux ikun fih sustanzi li ġew identifikati skont il-proċedura deskritta fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u inklużi fil-Lista ta' Kandidati għas-Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż). L-ebda deroga minn dan ir-rekwiżit ma għandha tingħata.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-prodott tal-karta ma għandux Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż). Id-dikjarazzjoni għandha tkun sostnuta minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dikjarazzjonijiet xierqa mill-fornituri tal-kimika tal-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karti li juru li l-ebda waħda mis-sustanzi kimiċi ma għandha Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż).

Il-lista ta' sustanzi identifikati bħala Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna u inklużi fil-lista tal-kandidati skont l-Artikolu 59(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tista' tinstab hawnhekk:

http://echa.europa.eu/chem_data/authorisation_process/candidate_list_table_en.asp.

Għandha ssir referenza għal-lista fid-data tal-applikazzjoni.

Kriterju 4(b) Restrizzjonijiet ta' Klassifikazzjoni, Tikkettar u Imballaġġ (CLP)

Nota: Il-proċessi u l-kimika funzjonali kollha użati fil-mitħna tal-karta u, fejn ikun rilevanti, waqt il-proċess ta' konverżjoni tal-karta tixju għandhom jiġu skrinjati. Dan il-kriterju ma japplikax għall-kimika użata għat-trattament tal-ilma mormi sakemm l-ilma mormi trattat ma jiġix iċċirkolat mill-ġdid fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta.

Sakemm ma ssirx deroga fit-Tabella 3, il-prodott tal-karta ma għandux ikollu sustanzi jew taħlitiet f'konċentrazzjonijiet akbar minn 0,10 % (piż b'piż) li jkunu klassifikati bi kwalunkwe waħda mid-dikjarazzjonijiet ta' periklu li ġejjin f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008;

Perikli tal-Grupp 1 Kategorija 1 A jew 1B karċinoġeniċi, mutaġeniċi u/jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR): H340, H350, H350i, H360, H360F, H360D, H360FD, H360Fd, H360Df.

Perikli tal-Grupp 2: CMR tal-Kategorija 2: H341, H351, H361, H361f, H361d, H361fd, H362; Tossiċità akkwatika tal-kategorija 1: H400, H410; Tossiċità akuta tal-kategorija 1 u 2: H300, H310, H330; Tossiċità mill-aspirazzjoni tal-kategorija 1: H304; Tossiċità speċifika għall-organi fil-mira (STOT) tal-kategorija 1: H370, H372, Sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 (*1): H317.

Perikli tal-Grupp 3: Tossiċità akkwatik tal-kategoriji 2, 3 u 4: H411, H412, H413; Tossiċità akuta tal-kategorija 3: H301, H311, H331; STOT tal-kategorija 2: H371, H373;

L-użu ta' sustanzi jew taħlitiet li jkunu mmodifikati kimikament waqt il-proċess ta' produzzjoni tal-karta (pereżempju, aġenti flokkulanti inorganiċi, aġenti ta' retikolazzjoni, aġenti inorganiċi ossidizzanti u riduċenti) biex kwalunkwe periklu ta' CLP ristrett rilevanti ma jibqax japplika għandu jiġi eżentat mir-rekwiżit imsemmi hawn fuq.

Tabella 3

Derogi mir-restrizzjonijiet ta' periklu ta' CLP u kondizzjonijiet applikabbli

Tip ta' sustanza/taħlita

Applikabbiltà

Klassifikazzjoni(jiet) derogata/i

Kundizzjonijiet tad-deroga

Żebgħa u pigmenti

Użati f'applikazzjoni mxarrba, aħħarija jew fuq superfiċje, waqt il-produzzjoni ta' karta bil-kulur.

H411, H412, H413

Il-fornituri tal-kimika għandhom jiddikjaraw li tista' tintlaħaq rata ta' fissazzjoni ta' 98 % fuq il-karta u jipprovdu struzzjonijiet dwar kif dan jista' jiġi żgurat.

Il-produttur tal-karta għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' kwalunkwe struzzjoni rilevanti.

Aġenti ta' tisħiħ tal-fibri tal-karta meta jixxarrbu bbażati fuq il-poliammidoamin-epikloroidrin (PAE)

Użati bħala aġenti ta' żamma sabiex tiġi mtejba l-ħeffa li biha tgħaddi karta minn ġo magna u sabiex isaħħu l-fibri tal-karta tal-prodott meta jixxarbu.

H411, H412, H413

Il-kontenut ta' monomeru residwu kkumbinat ta' epikloroidrin (ECH, CAS Nru 106-89-8) u l-prodotti mid-diżintegrazzjoni tiegħu 1,3-dikloro-2-propanol (DCP, CAS Nru 96-23-1) u 3-monokloro-1,2-propanediol (MCPD, CAS No 96-24-2) ma għandux jaqbeż iż-0,35 % (p/p) tal-kontenut ta' solidi attivi tal-formulazzjoni.

Gliossal (fibra rriċiklata)

Impurità fil-fibri rriċiklati

H341, H317

Permess biss f'konċentrazzjonijiet li jaqbżu ż-0,10 % (p/p) jekk minħabba kontaminanti minn materjali rriċiklati użati fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta. F'każijiet bħal dawn, għandha tintwera konformità mal-limitu ddefinit fil-kriterju 6(c).

Kimika awżiljarja Yankee bbażata fuq il-poliammidoamin-epikloroidrin (PAE)

Użati biex iġiegħdu l-karta.

H411, H412, H413

Il-kontenut ta' monomeru residwu kkumbinat ta' epikloroidrin (ECH, CAS Nru 106-89-8) u l-prodotti mid-diżintegrazzjoni tiegħu 1,3-dikloro-2-propanol (DCP, CAS Nru 96-23-1) u 3-monokloro-1,2-propanediol (MCPD, CAS Nru 96-24-2) ma għandux jaqbeż iż-0,05 % (p/p) tal-kontenut ta' solidi attivi tal-formolazzjoni.

Polimeri katjoniċi (inklużi polietileneimini, poliammidi u poliamini)

Diversi użi possibbli, inkluż dak bħala għajnuna għaż-żamma, titjib tas-saħħa tan-nisġa tal-fibri meta jixxarrbu, tas-saħħa meta l-karta tkun niexfa u meta tixxarrab.

H411, H412, H413

Il-produttur tal-karta għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' kwalunkwe struzzjoni rilevanti għall-ġestjoni u d-dożaġġ sikuri speċifikati fil-karta bid-data dwar is-sikurezza.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi lista tal-kimika rilevanti kollha użata flimkien mal-karta bid-data dwar is-sikurezza rilevanti jew dikjarazzjoni mill-fornitur.

Kwalunkwe kimika li jkollha sustanzi jew taħlitiet bi klassifikazzjonijiet ta' CLP ristretti għandha tiġi indikata. Ir-rata approssimattiva ta' dożaġġ tal-kimika, flimkien mal-konċentrazzjoni tas-sustanza jew it-taħlita ristretta f'dik il-kimika (kif indikat fil-karta bid-data dwar is-sikurezza jew id-dikjarazzjoni tal-fornitur) u fattur ta' żamma preżunt ta' 100 % għandhom jintużaw sabiex tiġi stmata l-kwantità tas-sustanza jew it-taħlita ristretta li jifdal fil-prodott finali.

Għandhom jiġu pprovduti ġustifikazzjonijiet bil-miktub lill-korp kompetenti għal kwalunkwe devjazzjoni minn fattur ta' żamma ta' 100 % jew għal modifikazzjoni kimika ta' sustanza jew taħlita ta' periklu ristretta.

Għal kwalunkwe sustanza jew taħlita ristretta li taqbeż iż-0,10 % (piż b'piż) tal-prodott tal-karta finali b'deroga, għandha tiġi provduta prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet ta' deroga rilevanti.

Kriterju 4(c) Kloru

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produtturi tal-polpa u l-karta. Filwaqt li dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-ibbliċjar ta' fibri rriċiklati, huwa aċċettat li l-fibri fiċ-ċiklu tal-ħajja preċedenti tagħhom setgħu ġew ibbliċjati bil-gass tal-kloru.

Ma għandux jintuża gass tal-kloru bħala aġent tal-ibbliċjar. Dan ir-rekwiżit ma japplikax għall-gass tal-kloru relatat mal-produzzjoni u l-użu tad-diossidu tal-kloru.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li l-gass tal-kloru ma ġiex użat bħala aġent tal-ibbliċjar fil-proċess tal-produzzjoni tal-karta, flimkien ma' dikjarazzjoni mingħand kwalunkwe fornitur tal-polpa rilevanti.

Kriterju 4(d) Etossilati tal-Alkilfenol (APEOs)

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produtturi tal-polpa u l-karta.

Ma għandhomx jiżdiedu etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma' sustanzi kimiċi tat-tindif, sustanzi kimiċi li jneħħu l-linka, inibituri tar-ragħwa, jew dispersanti. Id-derivattivi tal-alkilfenol huma ddefiniti bħala sustanzi li wara d-degradazzjoni jipproduċu l-alkilfenoli.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni(jiet) mill-fornitur(i) tas-sustanzi kimiċi tiegħu li ma żdidux etossilati tal-alkilfenol jew derivattivi oħra tal-alkilfenol ma' dawk il-prodotti.

Kriterju 4(e) Surfattanti użati fit-tneħħija tal-linka

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur(i) tal-polpa bil-linka mneħħija.

Is-surfattanti kollha użati fil-proċessi tat-tneħħija tal-linka għandhom ikunu bijodegradabbli faċilment jew ikollhom bijodegradibbiltà finali inerenti (ara l-metodi ta' ttestjar u l-livelli ta' mogħdija hawn taħt). L-unika eżenzjoni għal dan ir-rekwiżit għandha tkun l-użu tas-surfattanti bbażati fuq derivittativi mis-siliċju sakemm il-ħama tal-karta mill-proċess tat-tneħħija tal-linka tkun inċinerata.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mal-karti bid-data dwar is-sikurezza rilevanti jew ir-rapporti tat-testijiet għal kull surfattant. Dawn għandhom jindikaw il-metodu tat-test, il-livell limitu u l-konklużjoni milħuqa bl-użu ta' wieħed mill-metodi tat-test u l-livelli ta' mogħdija li ġejjin:

Għall-bijodegradibbiltà faċli: OECD Nru 301 A-F (jew standards ISO ekwivalenti), b'persentaġġ ta' degradazzjoni (inkluż l-assorbiment) fi żmien 28 jum ta' għall-inqas 70 % għal 301 A u E, u ta' għall-inqas 60 % għal 301 B, C, D u F.

Għall-bijodegradibbiltà finali inerenti: OECD 302 A-C (jew standards ISO ekwivalenti), b'persentaġġ ta' degradazzjoni (inkluż l-assorbiment) fi żmien 28 jum ta' mill-anqas 70 % għal 302 A u B, u ta' mill-anqas 60 % għal 302 C.

F'każijiet fejn jintużaw surfattanti bbażati fuq is-siliċju, l-applikant għandu jipprovdi karta bid-data dwar is-sikurezza għall-kimika użata u dikjarazzjoni li l-ħama tal-karta mill-proċess tat-tneħħija tal-linka jkun ġie inċinerat, inklużi dettalji dwar id-destinazzjoni tal-faċilità jew il-faċilitajiet ta' inċinerazzjoni.

Kriterju 4(f) Restrizzjonijiet tal-prodotti bijoċidali għall-kontroll tal-lgħab

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta.

Is-sustanzi attivi fi prodotti bijoċidali użati sabiex jikkumbattu organiżmi li jiffurmaw il-lgħab f'sistemi tal-ilma ta' ċirkolazzjoni li jkollhom il-fibri għandhom ikunu ġew approvati għal dan l-iskop, jew ikunu qed jiġu eżaminati bi deċiżjoni jew approvazzjoni mistennija, skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 u ma għandhomx ikunu potenzjalment bijoakkumulattivi.

Għall-finijiet ta' dan il-kriterju, il-potenzjal tal-bijoakkumulazzjoni għandu jkun ikkaratterizzat minn log Kow (log ottanol/koeffiċjent tal-partizzjoni tal-ilma) ≤ 3,0 jew fattur ta' bijokonċentrazzjoni ≤ 100 iddeterminat b'mod esperimentali.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, flimkien mal-folja tad-data dwar is-sikurezza tal-materjali rilevanti jew rapport tat-test. Dan għandu jindika l-metodu tat-test, il-livell limitu u l-konklużjoni milħuqa, bl-użu ta' wieħed mill-metodi tat-test li ġejjin: OECD 107, 117 jew 305 A-E.

Kriterju 4(g) Restrizzjonijiet taż-żebgħa Azo

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta.

Iż-żebgħa azo, li permezz ta' tifriq riduttiv ta' grupp azo wieħed jew aktar tista' tirrilaxxa wieħed jew aktar mill-amini aromatiċi elenkati fid-Direttiva 2002/61/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 l-Anness XVII, l-Appendiċi 8, ma għandhomx jintużaw fil-produzzjoni tal-karta tixju tal-Ekotikketta tal-UE.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha fil-proċess ta' produzzjoni tal-karta tixju u l-prodotti tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni tal-fornitur tal-koloranti għandha tkun sostnuta minn rapporti tat-testijiet skont il-metodi xierqa deskritti fl-Appendiċi 10 mal-Anness XVII mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew metodi ekwivalenti.

Kriterju 4(h) Pigmenti u żebgħa b'bażi ta' metall

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta jew, fejn ikun rilevanti, għall-konvertitur tal-karta tixju. Ara d-definizzjoni ta' pigmenti u żebgħa b'bażi ta' metall fil-Preambolu ta' dan l-Anness.

Żebgħa u pigmenti bbażati fuq l-aluminju (*2), il-fidda, l-arseniku, il-barju, il-kadmju, il-kobalt, il-kromju, il-merkurju, il-manganiż, in-nikil, iċ-ċomb, is-selenju, l-antimoju, il-landa jew iż-żingu ma għandhomx jintużaw.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha użati fil-proċess ta' produzzjoni għall-prodotti tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni(jiet) tal-fornitur għandhom ikunu sotnuti minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Kriterju 4(i) Impuritajiet joniċi f'materjali taż-żebgħa

Nota: Dan ir-rekwiżit għandu japplika għall-produttur tal-karta jew, fejn ikun rilevanti, għall-konvertitur tal-karta tixju.

Il-livelli tal-impuritajiet ijoniċi fil-materjali taż-żebgħa użati ma għandhomx jaqbżu dan li ġej: fidda 100 ppm; arseniku 50 ppm; barju 100 ppm; kadmju 20 ppm; kobalt 500 ppm; kromju 100 ppm; merkurju 4 ppm; nikil 200 ppm; ċomb 100 ppm; selenju 20 ppm; antimonju 50 ppm; landa 250 ppm; żingu 1 500 ppm.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti ta' dan il-kriterju mill-fornitur(i) tal-koloranti kollha użati fil-proċess ta' produzzjoni għall-karta tixju bl-Ekotikketta tal-UE. Id-dikjarazzjoni(jiet) tal-fornitur għandha(hom) t/ikunu sotnuta(i) minn karti bid-data dwar is-sikurezza jew dokumentazzjoni rilevanti oħra.

Kriterju 4(j) Lozjonijiet

L-ebda sustanza li hija klassifikata bħala H317, H334, CMR jew imniżżla fil-Lista ta' Kandidati għal Sustanzi ta' Tħassib Serju Ħafna ma għandha tiżdied ma' formolazzjonijiet ta' lozjonijiet użati waqt il-konverżjoni ta' prodotti tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE. Barra minn hekk, parabeni, triklosan, formaldeid, rilaxxaturi tal-formaldeid jew metillisotijażolinon ma għandhomx jiżdiedu ma' formolazzjonijiet ta' lozjonijiet.

Barra minn hekk, l-ebda formolazzjoni ta' lozjoni użata ma għandha tiġi dożata fi kwantitajiet li jirriżultaw f'sustanzi individwali bil-klassifikazzjonijiet ristretti ta' CLP elenkati fil-kriterju 4(b) preżenti fi kwantitajiet li jaqbżu ż-0,010 % (p/p) tal-prodott tat-tixju finali. Is-somma tas-sustanzi b'xi klassifikazzjonijiet ta' CLP ristretti ma għandhiex taqbeż iż-0,070 % (p/p) tal-prodott tat-tixju.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi lista ta' kwalunkwe formolazzjoni ta' lozjonijiet użati fil-produzzjoni tal-prodotti tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE, flimkien ma' dikjarazzjonijiet ta' konformità mill-fornituri rispettivi ta' dawk il-formolazzjonijiet ta' lozjonijiet, il-karti bid-data dwar is-sikurezza rilevanti u, sabiex tintwera konformità mal-limiti fil-prodott finali, il-kalkolazzjonijiet ibbażati fuq ir-rati ta' dożaġġ użati mill-applikant li jistmaw il-konċentrazzjonijiet ta' kwalunkwe sustanza ta' CLP ristretta fil-formolazzjoni li tibqa' fil-prodott finali tal-karta tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE.

Kriterju 5 — Ġestjoni tal-Iskart

Is-siti kollha ta' produzzjoni tal-polpa u l-karta, inklużi siti ta' produzzjoni tat-tixju konvertita, għandu jkollhom sistema implimentata għall-ġestjoni tal-iskart li jirriżulta mill-proċess ta' produzzjoni u pjan ta' ġestjoni u minimizzazzjoni tal-iskart li jiddeskrivi l-proċess ta' produzzjoni u jinkludi informazzjoni dwar l-aspetti li ġejjin:

1.

il-proċeduri fis-seħħ għall-prevenzjoni tal-iskart;

2.

il-proċeduri fis-seħħ għas-separazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart;

3.

il-proċeduri fis-seħħ għall-ġestjoni sikura ta' skart perikoluż;

4.

għanijiet u miri għal titjib kontinwu marbutin ma' ġenerazzjoni tal-iskart imnaqqsa u ż-żieda tal-użu mill-ġdid u r-rati ta' riċiklaġġ.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jagħti pjan ta' minimizzazzjoni u ġestjoni tal-iskart għal kull sit ikkonċernat u dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju.

L-applikanti rreġistrati mal-Iskema ta' Verifika u Ġestjoni Ambjentali tal-UE (EMAS) u/jew iċċertifikati skont ISO 14001 għandhom jitqiesu li ssodisfaw dan il-kriterju jekk:

1.

l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-iskart tkun iddokumentata fid-dikjarazzjoni ambjentali tal-EMAS għas-sit(i) ta' produzzjoni, jew

2.

l-inklużjoni tal-ġestjoni tal-iskart tkun indirizzata tajjeb biżżejjed miċ-ċertifikazzjoni tal-ISO 14001 għas-sit(i) ta' produzzjoni.

Kriterju 6 — Rekwiżiti tal-prodotti finali

Kriterju 6(a) Żebgħa u illuminanti ottiċi

Għall-karta tat-tixju miżbugħa, għandu jintwera li l-kulur ma jerħix (livell 4 jew ogħla) skont il-proċedura l-qasira ddefinita f'EN 646.

Għall-karta tixju trattata b'aġenti illuminanti ottiċi, għandu jintwera li ma terħix (livell 4 jew ogħla) skont il-proċedura qasira ddefinita f'EN 648.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant jew il-fornitur(i) tal-kimika għandhom jipprovdu dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju sostnuta mir-rapporti tat-testijiet rilevanti skont l-istandards EN 646 u/jew EN 648, skont il-każ.

Jekk ma jsirx dan, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni li tgħid li l-ebda żebgħa jew aġenti illuminanti ottiċi ma ntużaw.

Kriterju 6(b) Aġenti kontra l-ħama u sustanzi antimikrobika

Il-kampjuni tal-prodott tat-tixju finali ma għandhomx jirriżultaw fl-inibizzjoni tat-tkabbir tal-mikroorganiżmi, u dan f'konformità ma' EN 1104.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan il-kriterju sostnuta minn rapporti ta' testijiet, u dan f'konformità ma' EN 1104.

Kriterju 6(c) Sikurezza tal-prodott

Prodott tat-tixju finali li jkollu fih fibri rriċiklati ma għandu jinkludi l-ebda wieħed minn dawn is-sustanzi perikolużi fi kwantitajiet 'il fuq mil-limiti speċifikati u skont l-istandards tat-testijiet speċifikati:

Formaldeid: 1 mg/dm2 f'konformità ma' EN 1541 (estrazzjoni bl-ilma kiesaħ);

Gliossal; 1,5 mg/dm2 f'konformità ma' DIN 54603;

Pentaklorofenol (PCP): 2 mg/kg f'konformità ma' EN ISO 15320 (estrazzjoni bl-ilma kiesaħ).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni tal-konformità ma' dan il-kriterju sostnuta minn rapporti ta' testijiet f'konformità mal-istandards rispettivi.

Kriterju 6(d) Adegwatezza għall-użu

Il-prodott tat-tixju tal-Ekotikketta tal-UE jeħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti rispettivi kollha tal-pajjiż fejn jitqiegħed fis-suq.

Għall-karta tat-tixju strutturata, l-assorbenza tal-folja ta' bażi individwali ta' karta tixju qabel il-konverżjoni għandha tkun ekwivalenti għal 10,0 g ta' ilma/g ta' karta tixju, jew ogħla minn hekk.

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnut mid-dokumentazzjoni rilevanti.

Il-produtturi għandhom jiggarantixxu -adegwatezza għall-użu tal-prodotti tagħhom, billi jipprovdu dokumentazzjoni li turi l-kwalità tal-prodott f'konformità ma' EN ISO/IEC 17050. L-istandard jipprovdi kriterji ġenerali għad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-fornituri ma' dokumenti normattivi.

Għall-karta tixju strutturata, l-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità mar-rekwiżit sostnuta minn rapport tat-testijiet rilevanti f'konformità ma' EN ISO 12625-8:2010.

Kriterju 7 — Informazzjoni li tidher fuq l-Ekotikketta tal-UE

L-applikant għandu jsegwi l-istruzzjonijiet dwar kif juża b'mod xieraq il-logo tal-Ekotikketta tal-UE provduti fil-Linji Gwida dwar il-Logo tal-Ekotikketta tal-UE.

http://ec.europa.eu/environment/ecolabel/documents/logo_guidelines.pdf.

Jekk tintuża t-tikketta fakultattiva b'kaxxa għat-test, din għandu jkun fiha t-test li ġej:

Emissjonijiet baxxi fl-arja u fl-ilma waqt il-produzzjoni;

Użu baxx tal-enerġija waqt il-produzzjoni;

xx % ta' fibri miksubin b'mod sostenibbli/xx % ta' fibri rriċiklati (skont il-każ).

Valutazzjoni u verifika: L-applikant għandu jipprovdi dikjarazzjoni ta' konformità ma' dan il-kriterju, sostnuta minn ritratt tal-imballaġġ tal-prodott li juri b'mod ċar it-tikketta, in-numru ta' reġistrazzjoni/liċenzja u, fejn ikun rilevanti, id-dikjarazzjonijiet li jistgħu jintwerew flimkien mat-tikketta.


(1)  Il-valur li huwa ogħla jirreferi għal imtieħen li jużaw l-ewkaliptu minn reġjuni b'livelli ogħla ta' fosforu (eż. l-ewkaliptu Iberjan).

(2)  Il-valur tal-emissjonijiet tad-NOx għal imtieħen tas-CTMP mhux integrati li jużaw it-tnixxif rapidu tal-polpa bi fwar ibbażat fuq il-bijomassa.

(3)  Il-valur ta' COD għal polpa mekkanika tassew ibbliċjata (70 — 100 % tal-fibra fil-karta finali).

(4)  Metodoloġija għall-Ekodisinn tal-Prodotti relatati mal-Enerġija

(*1)  Ir-restrizzjonijiet tal-H317 għandhom japplikaw biss għal formolazzjonijiet taż-żebgħa kummerċjali, aġenti għall-irfinar tas-superfiċe u materjali ta' kisi applikati għall-karta.

(*2)  Ir-restrizzjoni għall-aluminju ma għandhiex tapplika għall-aluminjosilikati.