ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 293

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
20 ta' Novembru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1784 tad-9 ta' Lulju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet dwar il-prattiki tal-ekoloġizzazzjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1785 tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

5

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1786 tad-19 ta' Novembru 2018 li japprova emenda fl-ispeċifikazzjoni ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta (Chianti Classico (DOP))

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1787 tad-19 ta' Novembru 2018 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja

9

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent

11

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1789 tad-19 ta' Novembru 2018 b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab

24

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1790 tas-16 ta' Novembru 2018 li tħassar id-Deċiżjoni 2002/623/KE li tistabbilixxi noti ta' gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati (notifikata bid-dokument C(2018) 7513)  ( 1 )

32

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2018/1791 tas-6 ta' Novembru 2018 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (EUTM Mali/2/2018)

34

 

*

Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Ottubru 2018 dwar il-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

36

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tad-9 ta' Novembru 2018 li tadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 [2018/1792]

39

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1784

tad-9 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet dwar il-prattiki tal-ekoloġizzazzjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 45(6)(b) u 46(9)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 38 sa 48 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2) jistabbilixxu regoli li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar prattiki tal-ekoloġizzazzjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jemenda diversi dispożizzjonijiet dwar il-prattiki tal-ekoloġizzazzjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 daħal fis-seħħ fit-30 ta' Diċembru 2017. L-emendi dwar il-prattiki tal-ekoloġizzazzjoni bdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2018. Sabiex tiġi ċċarata u żgurata l-konsistenza bejn l-obbligi rilevanti tal-operaturi, dawk l-emendi jeħtieġu li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 jiġu aġġustati.

(3)

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li art koperta bil-ħaxix li ma tkunx inħartet għal ħames snin jew aktar trid tiġi kkunsidrata bħala bur permanenti skont il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393, jew jiddeċiedu li l-erja tal-bur permanenti tista' tinkludi speċijiet oħra bħalma huma arbuxelli jew siġar skont il-punt (b) ta' dan is-subparagrafu, jew jiddeċiedu li ċertu art li tista' tintuża għar-ragħa hija meqjusa bħala bur permanenti skont il-punt (c) ta' dan is-subparagrafu, jenħtieġ li jadattaw, jekk ikun hemm bżonn, il-proporzjon tar-referenza tagħhom sabiex jieħdu kont tal-effetti sinifikanti possibbli fuq dak il-proporzjon tal-applikazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijijiet.

(4)

Wara l-introduzzjoni fil-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393, tal-possibilità għall-Istati Membri li jiddeċiedu li art koperta mill-ħaxix li ma nħartitx għal ħames snin jew aktar tiġi kkunsidrata bur permanenti, erja ta' bur permanenti tista' titlef dik il-kwalifika mhux biss bħala konsegwenza tal-konverżjoni tagħha f'għelejjel li jinħadmu iżda wkoll bħala konsegwenza ta' ħrit. L-Artikolu 44(1), tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014 jenħtieġ li jiġi adattat biex jirrifletti din il-possibilità l-ġdida.

(5)

L-Artkilu 3(9)(b)(i) tar-Regolament (UE) 2017/2393 jintroduċi tliet tipi ġodda ta' erjas b'fokus ekoloġiku, li jestendu l-lista preżenti bl-erjas bil-Miscanthus, erjas bis-Silphium perfoliatum u art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel (l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar). Il-premessa (45) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tenfasizza l-importanza li erja b'fokus ekoloġiku tiġi stabbilita b'mod koerenti. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn it-tipi introdotti riċentement ta' erjas b'fokus ekoloġiku u dawk diġà eżistenti.

(6)

L-ewwel nett, fir-rigward tal-erjas li huma “art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel”, minħabba li dawn l-erjas kienu jiffurmaw parti mit-tip ta' erja b'fokus ekoloġiku “art li titħalla tistrieħ”, ir-rekwiżiti ta' ġestjoni eżistenti għal dawn tal-aħħar jenħtieġ li jkomplu japplikaw. B'mod partikolari, il-projbizzjoni fuq il-produzzjoni agrikola, it-tul minimu li jrid jiġi stabbilit mill-Istati Membri u l-projbizzjoni fuq l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, stabbiliti fir-rigward tal-“art li titħalla tistrieħ” jenħtieġ li japplikaw ukoll fir-rigward tal-“art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel” anki jekk iż-żrigħ ta' pjanti li jipproduċu l-għasel huwa permess fuq erjas li jaqgħu taħt din il-kategorija ġdida.

(7)

Barra minn hekk, biex jitneħħa kull dubju li jista' jinqala' bl-introduzzjoni ta' tip ġdid ta' erja b'fokus ekoloġiku u biex jiġu indirizzati r-riskji li għelejjel normalment użati għall-produzzjoni huma miżrugħa fuqha, b'kunsiderazzjoni għall-għan tal-bijodiversità tal-erja b'fokus ekoloġiku, jenħtieġ li jiġi ċċarat li b'konformità mar-rekwiżit ta' “ebda produzzjoni”, erjas ta' dan it-tip ma jistgħux jinkludu erjas koperti b'għelejjel li normalment huma kkultivati għal skop ta' ħsad.

(8)

Madankollu, minħabba li l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393, jalloka koeffiċjent ta' korrezzjoni ogħla għall-erja b'fokus ekoloġiku l-ġdida “art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel”, imsemmija fl-Artikolu 46(2)(m) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, aktar milli għall-“art li titħalla tistrieħ” imsemmija fl-Artikolu 46(2)(a) ta' dak ir-Regolament, jenħtieġ li tiġi ċċarata d-distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta' erjas b'fokus ekoloġiku. B'mod partikolari sabiex tiġi assigurata ċ-ċertezza tad-dritt għall-bdiewa fir-rigward tal-ispeċijiet li huma kkunsidrati bħala l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar, jiġifieri dawk magħrufa bħala “l-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel” għall-iskopijiet tal-punt (m) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta' speċijiet ta' dan it-tip. B'kunsiderazzjoni għall-varjetà ta' kondizzjonijiet agronomiċi u speċijiet madwar l-Unjoni, l-għażla tal-ispeċijiet adattati jenħtieġ li titħalla f'idejn l-Istati Membri. Mandakollu, speċijiet aljeni invażivi fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament u tal-Kunsill (4) jenħtieġ li ma jintużawx f'dawn l-erjas minħabba li huma riskjużi għall-bijodiversità lokali, billi fost l-oħrajn ixekklu l-interazzjonijiet tal-pollinaturi tal-pjanti lokali.

(9)

Barra minn hekk, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji tal-bijodiversità ta' erjas ta' dan it-tip, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar rekwiżiti addizzjonali ta' ġestjoni bħalma huma taħlitiet ta' speċijiet. Fl-aħħar nett, peress li l-preżenza tal-ispeċijiet tal-ħaxix mhux predominanti u l-użu tad-doqqajs ma jaffettwawx l-effett tal-bijodiversità tal-art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel, l-użu ta' doqqajs jenħtieġ li jkun permess.

(10)

Sabiex tiġi protetta u mtejba l-bijodiversità b'konformità mal-għanijiet tal-“ekoloġizzazjoni” jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta' ġestjoni fir-rigward tal-użu ta' inputs kimiċi (fertilizzanti minerali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti), għall-erjas b'fokus ekoloġiku ta' Miscanthus u Silphium perfoliatum riċentement stabbiliti. B'mod partikolai, b'kunsiderazzjoni għall-impatt relattivament aktar dannuż fuq il-bijodiversità, l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fuq dawk l-erjas jenħtieġ li jkun projbit filwaqt li l-użu tagħhom jitħalla biss tul l-ewwel sena biex jgħin fl-istabbiliment tagħhom. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jiġi emendat skont dan.

(11)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna marbuta mas-snin kalendarji li jibdew mill-1 ta' Jannar 2018. Madankollu, b'kunsiderazzjoni għaż-żmien meħtieġ biex l-awtoritajiet nazzjonali u l-bdiewa jaġġustaw rwieħhom għar-rekwiżiti stabbiliti b'dan ir-Regolament dwar l-erjas b'fokus ekoloġiku, l-emendi korrispondenti jenħtieġ li japplikaw biss fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji li jibdew mill-1 ta' Jannar 2019,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 43, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jadattaw il-proporzjon ta' referenza jekk iqisu li hemm impatt sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-proporzjon dovuta, b'mod partikolari, għal bidla fl-erja ta' produzzjoni organika, bidla fil-popolazzjoni ta' parteċipanti fl-iskema tal-bdiewa ż-żgħar jew meta Stat Membru jieħu deċiżjoni skont il-punt (a), (b) jew (c) tat-tielet subparagarafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bla dewmien dwar l-adattament li sar u l-ġustifikazzjoni għal dak l-adattament.”;

(2)

Fl-Artikolu 44, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-obbligu individwali ta' bdiewa biex ma jikkonvertux, anke meta japplikaw il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, biex ma jaħartux erjas ta' bur permanenti mingħajr awtorizzazzjoni individwali minn qabel. Il-bdiewa għandhom jiġu mgħarrfa b'dak l-obbligu mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ qabel il-15 ta' Novembru tas-sena li fiha l-Istat Membru kkonċernat jistabbilixxi dan. Dak l-obbligu għandu japplika biss għall-bdiewa li huma soġġetti għall-obbligi skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta' erjas ta' bur permanenti li mhumiex soġġetti għall-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Il-ħruġ ta' awtorizzazzjoni jista' jiddependi fuq l-applikazzjoni tal-għan u tal-kriterji nondiskriminatorji inkluż il-kriterji ambjentali. Jekk l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hija soġġetta għall-kundizzjoni li erja oħra b'numru korrispondenti ta' ettari tkun se tiġi stabbilita bħala bur permanenti jew, meta l-Istati Membri japplikaw il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għall-kundizzjoni li erja oħra jew l-istess waħda hija stabbilita bħala bur permanenti, dik l-erja għandha, permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, tiġi kkunsidrata bħala bur permanenti mill-ewwel ġurnata wara l-konverżjoni inkluż il-ħrit. Erjas bħal dawn għandhom jintużaw għat-tkabbir ta' ħxejjex jew ta' foraġġ erbaċew ieħor għal ħames snin konsekuttivi wara d-data tal-konverżjoni tagħhom inkluż il-ħrit. Madankollu, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi b'dan il-mod, meta l-bdiewa jikkonvertu erjas li kienu diġà qed jintużaw għat-tkabbir ta' ħxejjex jew ta' foraġġ erbaċew ieħor f'erjas ta' bur permanenti, dawn l-erjas għandhom jintużaw għat-tkabbir ta' ħxejjex jew ta' foraġġ erbaċew ieħor għall-bqija tas-snin li hemm bżonn biex jintlaħqu l-ħames snin konsekuttivi.”;

(3)

L-Artikolu 45 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fuq art li titħalla tistrieħ u art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel (l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar) ma għandux ikun hemm produzzjoni agrikola. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu perjodu li matulu l-art għandha titħalla tistrieħ f'sena kalendarja partikolari. Dak il-perjodu ma għandux ikun iqsar minn sitt xhur. Fir-rigward tal-erjas li huma art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista tal-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar li jridu jintużaw. Speċijiet ta' pjanti aljeni invażivi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) ma għandhomx għalfejn jidhru fuq il-lista. Erjas bħal dawn ma għandhomx jinkludu erjas koperti b'għelejjel li normalment jinżergħu għall-ħsad. L-Istati Membri jistgħu jistbalixxu aktar rekwiżiti. Erjas bħal dawn jistgħu jinkludu speċijiet erbaċej sakemm l-għelejjel li jintużaw għall-produzzjoni tal-għasel jibqgħu predominanti. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit “ebda produzzjoni” li huwa stabbilit fil-paragrafu 10a, id-doqqajs jista' jintuża fuq erjas ta' art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel (l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar).

B'deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, art li titħalla tistrieħ u art li titħalla tistrieħ għall-pjanti li jintużaw fil-produzzjoni tal-għasel (l-ispeċijiet li jipproduċu ħafna għabra tad-dakra u nektar) għandhom jibqgħu art li tinħarat biex jiġi ssodisfat l-għan ta' erja b'fokus ekoloġiku għal aktar minn ħames snin.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).”;"

(b)

Għandu jiddaħħal il-paragrafu 8a li ġej:

“8a.   Fuq l-erjas bil-Miscanthus u bis-Silphium perfoliatum l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ħlief fl-ewwel sena li fiha ż-żewġ speċijiet ikunu qed jiġu stabbiliti minn bidwi. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu jew jistabbilixxu rekwiżiti fir-rigward tal-użu ta' fertilizzanti minerali fuq dawk l-erjas, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-għan tal-erjas b'fokus ekoloġiku biex b'mod partikolari jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità.”;

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna marbuta mas-snin kalendarji li jibdew mill-1 ta' Jannar 2018.

Il-punt 3 tal-Artikolu 1 għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna marbuta mas-snin kalendarji li jibdew mill-1 ta' Jannar 2019.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta' Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta' appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta' dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1785

tal-15 ta' Novembru 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li, parzjalment jew kollha kemm hi, hija bbażata fuqha, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Kejbils iżolati (l-hekk imsejħa “stack cables”) f'tulijiet varji, mgħammra b'konnetturi fuq iż-żewġ naħat.

Kull kejbil jikkonsisti minn 32 konduttur individwali iżolat għal vultaġġ ta' mhux aktar minn 1 000 V, miġburin f'16-il par imlibbsin, mhux mibrumin. Dawn il-pari huma miksija b'fojl tal-metall u ħjut ta' metall.

Il-kejbils jgħaqqdu swiċċijiet li jiffurmaw stazzjonijiet ta' swiċċjar (l-hekk imsejħa “stacks”) użati fin-netwerks tat-telekomunikazzjoni (Netwerks taż-Żona Lokali (LAN)). Jippermettu t-trasferiment bidirezzjonali tad-data bejn l-iswitches permezz tat-teknoloġija tal-Ethernet.

Il-kejbils ma għandhom l-ebda funzjoni addizzjonali (pereżempju, għall-forniment tal-enerġija elettrika).

Ara l-istampa (*1)

8544 42 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 8544 , 8544 42 u 8544 42 10 .

It-trasferiment tad-data bejn l-apparati bl-użu tat-teknoloġija tat-telekomunikazzjoni, bħal Ethernet, titqies bħala telekomunikazzjoni għall-finijiet tal-kodiċi tan-NM 8544 42 10 (ara Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1112/2012 (1)). Il-kejbils inkwistjoni huma mfassla biex jintużaw f'netwerks tat-telekomunikazzjoni kkonfigurati bħala LAN. Għalhekk, jitqiesu bħala kondutturi elettriċi, mgħammra b'konnetturi, użati f'networks tat-telekomunikazzjoni (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tan-NM tas-subintestatura 8544 42 10 ).

L-oġġetti għalhekk għandhom jiġi kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM 8544 42 10 bħala kondutturi tal-elettriku oħrajn għal vultaġġ li ma jeċċedix 1 000  V, mgħammra b'konnetturi, tat-tip użat għat-telekomunikazzjoni.

Image


(*1)  L-istampa hija biss għal raġunijiet ta' informazzjoni.

(1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1112/2012 tat-23 ta' Novembru 2012 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 329, 29.11.2012, p. 9).


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1786

tad-19 ta' Novembru 2018

li japprova emenda fl-ispeċifikazzjoni ta' Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta jew Indikazzjoni Ġeografika Protetta (“Chianti Classico” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 99 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni għad-Denominazzjoni ta' Oriġini Protetta “Chianti Classico” li l-Italja bagħtet skont l-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(2)

Il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif jeżiġi l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (2).

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(4)

Għaldaqstant jixraq li l-emenda fl-ispeċifikazzjoni tiġi approvata skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-denominazzjoni “Chianti Classico” (DOP) hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU C 100, 16.3.2018, p. 7.


DEĊIŻJONIJIET

20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1787

tad-19 ta' Novembru 2018

li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Frar 2010 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/96/PESK (1), li tistabbilixxi missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2016 id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2239 (2) emendat id-Deċiżjoni 2010/96/PESK u estendiet il-missjoni sal-31 ta' Diċembru 2018.

(3)

Wara rieżami strateġiku tal-missjoni, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà rrakkomanda li l-mandat tal-missjoni jiġi estiż b'sentejn.

(4)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2010/96/PESK tiġi emendata skont dan.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Id-Danimarka ma tiħux sehem fl-implimentazzjoni ta' din d-Deċiżjoni u għaldaqstant ma tikkontribwixxix għall-finanzjament ta' din il-missjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/96/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Sabiex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-paragrafu 1, il-missjoni militari tal-UE għandha tiġi skjerata fis-Somalja sabiex tindirizza kemm ir-rafforzament istituzzjonali fis-settur tad-difiża permezz ta' konsulenza strateġika kif ukoll l-appoġġ dirett lill-Armata Nazzjonali Somala permezz ta' taħriġ, konsulenza u gwida. Mill-2019 'il quddiem, il-missjoni militari tal-UE għandha, b'mod partikolari, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' taħriġ proprja tal-Armata Nazzjonali tas-Somalja bil-ħsieb tat-trasferiment tal-attivitajiet ta' taħriġ għall-unitajiet tattiċi ladarba jiġu ssodisfati il-kondizzjonijiet neċessarji; hija għandha tkun ta' gwida għat-taħriġ proprju tas-Somalja u pprovdut mis-Somalja. Il-missjoni militari tal-UE għandha tkun ukoll lesta tipprovdi appoġġ, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, lil atturi oħra tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża fis-Somalja.”;

(2)

fl-Artikolu 10, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-missjoni militari tal-UE għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 għandu jkun ta' EUR 22 980 000. Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta' 0 % u l-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 0 %.”;

(3)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-mandat tal-missjoni militari tal-UE għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-19 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK tal-15 ta' Frar 2010 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2239 tat-12 ta' Diċembru 2016 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2010/96/PESK dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja (ĠU L 337, 13.12.2016, p. 16).


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/11


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1788

tad-19 ta' Novembru 2018

b'appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Diċembru 2005 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), sussegwentement riveduta fl-2018, li stabbilixxiet l-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”). L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW innotat li l-Unjoni sejra, bħala prijorità, tappoġġa inizjattivi reġjonali li jiġġieldu kontra s-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom, billi tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku lill-organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrumenti reġjonali rilevanti. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW semmiet lill-Balkani bħala reġjun ta' prijorità għall-appoġġ.

(2)

Fis-17 ta' Mejju 2018, fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f'Sofija, il-mexxejja tal-UE qablu dwar id-Dikjarazzjoni ta' Sofija, li magħha allinjaw ruħhom is-sħab tal-Balkani tal-Punent, u li tinkludi l-impenn tat-tisħiħ b'mod sinifikanti tal-kooperazzjoni operazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali f'oqsma ta' prijorità bħall-armi tan-nar, id-drogi, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin.

(3)

Ir-reġjun tal-Balkani tal-Punent għadu wieħed mis-sorsi tat-traffikar illeċitu ta' armi fl-Unjoni.

(4)

Fit-13 ta' Ġunju 2018 il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) preżentaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, is-SALW u l-munizzjoni tagħhom intitolata “Sigurtà fuq l-Armi, Nipproteġu liċ-Ċittadini”.

(5)

Fl-10 ta' Lulju 2018 ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ospita l-ħames Summit tal-Balkani tal-Punent, f'Londra, li adotta l-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjoni tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024” (il-“Pjan Direzzjonali”), li tħejja mill-kummissjonijiet għas-SALW tal-Balkani tal-Punent fil-qafas tal-inizjattiva Franko-Ġermaniża ta' koordinazzjoni tad-donaturi rigward it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent. Dawk il-kummissjonijiet qed iħejju l-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

(6)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), adottata fil-25 ta' Settembru 2015, affermat li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jinkiseb mingħajr il-paċi u s-sigurtà u li l-flussi ta' illeċiti armi huma fost il-fatturi li jwasslu għall-vjolenza, in-nuqqas ta' sigurtà u l-inġustizzja.

(7)

Fit-tielet konferenza tan-NU biex jiġi eżaminat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, li saret f'Ġunju 2018, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu s-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tas-SALW, u biex jippromwovu u jsaħħu l-kooperazzjoni fuq il-fruntieri u l-koordinazzjoni reġjonali u subreġjonali.

(8)

L-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali maqbula mis-sħab tal-Balkani tal-Punent huma konsistenti mal-isforzi fl-Unjoni u n-NU fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom. Għaldaqstant, l-Unjoni għandha tappoġġa lill-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.

(9)

Is-SEESAC, li ġie stabbilit f'Belgrad fl-2002 u li jiffunzjona taħt il-mandat konġunt tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP) u tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR), li hu s-suċċessur għall-Patt ta' Stabbiltà għax-Xlokk tal-Ewropa, jassisti lill-partijiet ikkonċernati nazzjonali u reġjonali fil-kontroll u t-tnaqqis tal-firxa u l-użu ħażin ta' SALW u munizzjon, u b'hekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-iżvilupp ix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa. Is-SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta' proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transfruntieri tal-armi.

(10)

L-Unjoni fil-passat appoġġat lis-SEESAC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK (1), estiża u emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/807/PESK (2) u 2004/791/PESK (3), kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK (4), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK (5), estiża bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2051 (6), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 (7).

Il-ftehim konkluż bis-saħħa tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356 jiskadi fid-29 ta' Diċembru 2019.

(11)

L-Unjoni tikkunsidra li s-SEESAC hu s-sieħeb preferut għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-Balkani tal-Punent, minħabba l-esperjenza ppruvata u n-netwerk stabbilit tiegħu, il-kwalità ppruvata tal-ħidma tiegħu u r-rwol ta' koordinazzjoni tiegħu fit-tħejjija tal-Pjan Direzzjonali.

(12)

Barra minn hekk, jenħtieġ li din l-azzjoni tal-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' armi tan-nar u s-SALW fil-Balkani tal-Punent u tat-tnaqqis tar-riskju li armi illeċiti jidħlu fl-Unjoni mir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, l-Unjoni għandha tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-implimentazzjoni tal-“Pjan Direzzjonali Reġjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024”, billi tkompli tappoġġa lis-sħab tal-Balkani tal-Punent fl-ilħuq tal-miri indikati fil-Pjan Direzzjonali, jiġifieri (8):

(1)

Sal-2023, jiġi żgurat li tkun fis-seħħ il-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi, armonizzata bis-sħiħ mal-qafas regolatorju tal-UE u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra u standardizzata fir-reġjun kollu.

(2)

Sal-2024, jiġi żgurat li l-politiki u l-prattiki dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent ikunu bbażati fuq l-evidenza u mmexxija mill-intelligence.

(3)

Sal-2024, jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi illeċiti ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi (FAE) ġewwa u lil hinn mill-Balkani tal-Punent.

(4)

Sal-2024, jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-forniment, id-domanda u l-użu ħażin ta' armi tan-nar permezz ta' aktar ħidma ta' sensibilizzazzjoni, edukazzjoni, tixrid ta' informazzjoni u promozzjoni.

(5)

Sal-2024, jitnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd stmat ta' armi tan-nar f'pussess illeċitu fil-Balkani tal-Punent.

(6)

Jitnaqqas b'mod sistematiku l-ammont żejjed u jinqerdu l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon sekwestrati.

(7)

Jitnaqqas b'mod sinifikanti r-riskju ta' proliferazzjoni u d-diverżjoni ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi.

2.   B'mod addizzjonali għall-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, din l-azzjoni tal-Unjoni għandha tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja.

3.   Sabiex tikseb l-objettivi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Unjoni għandha, permezz ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

tappoġġa l-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

(b)

tappoġġa lill-awtoritajiet fil-Balkani tal-Punent fl-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra; u

(c)

tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

4.   L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa l-Balkani tal-Punent, filwaqt li l-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo (*1), il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex ikompli bl-appoġġ lir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja, li qed jiffaċċaw sfidi simili għall-kontroll tas-SALW permezz tat-trasferiment ta' għarfien u esperjenzi miksuba kif ukoll l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001 'l hawn.

5.   L-azzjoni li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni tibni fuq il-bażi li nħolqot mill-kisbiet taħt id-Deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill b'appoġġ għas-SEESAC.

6.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmija fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mis-SEESAC, fejn meħtieġ f'koordinazzjoni mal-Mexxej ta' pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) Firearms.

3.   Is-SEESAC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 4 002 587,52.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f'isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adatt skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mis-SEESAC. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK tal-21 ta' Ottubru 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bl-għan li l-Unjoni Ewropea tagħti l-kontribut tagħha biex tikkumbatti l-akkumulazzjoni destabilizzanti u t-tixrid ta' armi ħfief u żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 289, 26.10.2002, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/807/PESK tas-17 ta' Novembru 2003 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li tikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK sabiex l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u l-firxa ta' armamenti żgħar fix-Xlokk tal-Ewropa (ĠU L 302, 20.11.2003, p. 39).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta' Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta' armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta' Marzu 2010 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta' armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2051 tas-16 ta' Novembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/730/PESK b'appoġġ għall-attivitajiet ta' SEESAC ta' diżarm u ta' kontroll ta' armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta' SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 300, 17.11.2015, p. 19).v

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta' Diċembru 2016 b'appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).

(8)  http://www.seesac.org/f/docs/News-SALW/Roadmap-for-sustainable-solution.pdf

(*1)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u jikkonforma mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS

KONTRIBUT TAL-UNJONI GĦALL-PROĠETT TAS-SEESAC DWAR ATTIVITAJIET TA' KONTROLL TA' SALW FIL-BALKANI TAL-PUNENT FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN DIREZZJONALI GĦAL SOLUZZJONI SOSTENIBBLI GĦALL-PUSSESS ILLEGALI, L-UŻU ĦAŻIN U T-TRAFFIKAR TA' SALW/ARMI TAN-NAR U L-MUNIZZJON TAGĦHOM FIL-BALKANI TAL-PUNENT

1.   Introduzzjoni u objettivi

Ix-Xlokk tal-Ewropa jibqa' qasam ta' tħassib u sfida importanti fl-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW) u l-munizzjon tagħhom (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). Filwaqt li sar progress sinifikanti fis-snin reċenti, l-akkumulazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) u ta' munizzjon, il-kundizzjonijiet inadegwati tal-ħżin, il-pussess illeċitu, u t-tfassil tal-politika u l-lakuni fil-kapaċità ta' implimentazzjoni flimkien mas-sistemi politiċi fraġili, qed ikomplu jillimitaw l-effettività tal-isforzi għall-kontroll ta' SALW. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat il-progress kontinwu, jiġu assigurati l-kisbiet li saru u titwitta t-triq għal soluzzjoni sostenibbli fit-tul li tinkludi armonizzazzjoni sħiħa mal-qafas leġiżlattiv u regolatorju tal-Unjoni u konformità mal-istandards internazzjonali, il-kontinwazzjoni tal-appoġġ għall-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mit-tixrid u t-traffikar illeċitu ta' SALW fix-Xlokk tal-Ewropa u minnha tifforma parti essenzjali mill-isforzi tal-Unjoni biex jinkisbu l-miri tal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW.

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal fil-kontroll ta' SALW u jissaħħaħ l-impenn tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-użu ħażin ta' armi tan-nar, ġie żviluppat Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024 (“il-Pjan Direzzjonali”) mill-kummissjonijiet tal-Balkani tal-Punent dwar is-SALW fid-29 ta' Mejju 2018 f'Tirana, wara proċess ta' konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti. Dan ġie approvat fil-qafas tas-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra fid-9 ta' Lulju 2018. Il-Pjan Direzzjonali jipprevedi li l-Balkani tal-Punent isir reġjun aktar sikur u sors tas-sigurtà, fejn mekkaniżmi komprensivi u sostenibbli ta' sorveljanza u kontroll, armonizzati bis-sħiħ ma' standards tal-Unjoni u ma' standards internazzjonali oħra, ikunu fis-seħħ biex jidentifikaw, jipprevjenu, jipprosegwixxu u jikkontrollaw il-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi. Il-Pjan Direzzjonali ġie żviluppat bħala dokument ta' gwida u, bħala tali, jipprevedi livelli maqbula ta' prestazzjoni, u jiddeskrivi fil-qosor l-impenn meħtieġ fil-livell strateġiku, operazzjonali u ta' politika fost il-benefiċjarji, li jibni fuq l-impenn politiku tal-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent lejn l-impenji u d-dokumenti strateġiċi tan-NU u tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-armi.

Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir (SEESAC), bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir, appoġġa l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali u ser jikkoordina u jappoġġa l-implimentazzjoni tiegħu. Din l-azzjoni b'hekk ser iżżid l-assistenza għall-kontroll tas-SALW prevista permezz tad-Deċiżjonijet tal-Kunsill 2010/179/PESK, 2013/730/PESK u (PESK) 2016/2356. Hija ser tavvanza ulterjorment il-proċessi u l-miżuri meħtieġa għall-kisba ta' kontroll sostenibbli tas-SALW fil-Balkani tal-Punent.

Din l-azzjoni ser: (a) tappoġġa l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali; (b) tipprovdi appoġġ għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa leġiżlattivi u regolatorji dwar is-SALW/armi tan-nar ma' dawk tal-Unjoni; u (c) tippermetti fehim ċar tal-lakuni u l-ħtiġijiet attwali sabiex jittejbu ulterjorment il-kapaċitajiet transfruntieri ta' kxif fir-rigward tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar billi tibni fuq l-istabbiliment tal-punt fokali dwar l-armi tan-nar (“FFP”) fix-Xlokk tal-Ewropa. Hija ser tiżgura wkoll ħarsa ġenerali aħjar tas-sitwazzjoni attwali u tidentifika oqsma għall-appoġġ ta' kapaċitajiet fil-prevenzjoni tal-proliferazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW/armi tan-nar fl-Ukrajna u l-Belarussja, billi tibni fuq l-assistenza prevista skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356 b'appoġġ għat-tnaqqis tat-theddid tal-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa (SEESAC IV). Bħala tali, l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni ser tikkomplementa l-attivitajiet skont id-Deċiżjoni (PESK) 2016/2356, billi tippermetti l-espansjoni tal-impatt fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar. Hija tiżgura l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet u inizjattivi oħra fir-reġjun li jikkonċernaw il-ġlieda kontra t-traffikar ta' armi tan-nar, sabiex jiġu sfruttati sinerġiji, tittejjeb l-interoperabbiltà u tiġi evitata d-duplikazzjoni ta' sforzi (1).

L-objettiv ġenerali tal-proġett huwa li jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà Ewropej u globali billi jiġġieled kontra t-theddida kkawżata mill-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa u minnha. Fl-istess waqt, ser isaħħaħ l-istabbiltà reġjonali billi jaħdem fil-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u fi sħubija ma' sħab u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra.

Il-proġett ser jikkontribwixxi b'mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Armi tan-Nar, il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar bejn l-UE u r-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għall-perjodu 2015–2019 (“il-Pjan ta' Azzjoni 2015–2019”), iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja, inkluż il-pjattaforma multidixxiplinari Ewropea kontra t-theddid kriminali (EMPACT) Firearms, it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u r-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jtejjeb b'mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu b'mod dirett ukoll għall-implimentazzjoni tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli numru 16 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b'mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b'mod sinifikanti kull forma ta' vjolenza u r-rata ta' mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b'mod sinifikanti l-flussi ta' armi illeċiti). Barra minn hekk, il-proġett ser jikkomplementa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar u ta' splussivi fl-Unjoni.

B'mod speċifiku, il-proġett ser:

jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

tappoġġa lill-awtoritajiet fil-Balkani tal-Punent fl-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra; u

tipprovdi appoġġ għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

Filwaqt li jibni fuq l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Deċiżjoni 2013/730/PESK kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356, u b'mod allinjat mal-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, dan il-proġett ta' segwitu b'hekk għandu l-għan li jsaħħaħ ulterjorment is-sistemi ta' kontroll tas-sħab u jkompli jrawwem il-multilateraliżmu billi jsaħħaħ mekkaniżmi reġjonali stabbiliti tajjeb kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li l-kapaċitajiet żviluppati fl-istituzzjonijiet tax-Xlokk tal-Ewropa jiġu kondiviżi ma' żoni ġeografiċi oħra ta' tħassib, il-proġett ser jipprovdi dimensjoni reġjonali aktar komprensiva permezz ta' sforzi ta' trasferiment immirat tal-għarfien.

2.   Għażla tal-aġenzija ta' implimentazzjoni u koordinazzjoni ma' inizjattivi ta' finanzjament rilevanti oħra

Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-KKR, u bħala tali huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Proliferazzjoni tas-SALW, is-SEESAC ilu mill-2002 jaħdem ma' partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali fix-Xlokk tal-Ewropa fuq l-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta' spettru wiesa' ta' attivitajiet inkluż: il-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali strateġika u operazzjonali, appoġġ għall-politika ta' żvilupp u titjib tal-kapaċitajiet għall-istituzzjonijiet, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' ġbir tas-SALW, ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, tnaqqis ta' ammonti żejda, u titjib tal-kapaċitajiet ta' mmarkar u ta' rintraċċar, kif ukoll kontroll imtejjeb tal-esportazzjonijiet tal-armi. B'dan il-mod, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta' interventi reġjonali bil-parteċipazzjoni ta' diversi partijiet ikkonċernati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tas-sħab fir-reġjun, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali primarja fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.

Is-SEESAC ikompli jżomm kanali ta' komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. F'dak ir-rigward, is-SEESAC ikompli jservi bħala s-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta' Tmexxija għas-SALW (RSG). Barra minn hekk, is-SEESAC huwa s-Segretarjat tal-inizjattiva għall-Approċċ Reġjonali għat-Tnaqqis tal-Kumulu tal-Ħażniet (RASR). Is-SEESAC jieħu wkoll sehem fil-laqgħat ta' koordinazzjoni SALW u l-azzjoni kontra l-mini (“MA”), mekkaniżmu informali ta' koordinazzjoni dwar l-attivitajiet ta' kontroll tas-SALW li jinvolvi n-NATO, l-Unjoni, l-l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u s-SEESAC. Is-SEESAC jikkontribwixxi b'mod regolari għal fora reġjonali rilevanti. Is-SEESAC ikompli jżomm netwerk wiesa' ta' sħubijiet formali u informali ma' organizzazzjonijiet bħaċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà taċ-Ċentru Reġjonali ta' Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi (RACVIAC) u l-Forum tal-OSKE għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà (FSC). Laqgħat regolari ta' koordinazzjoni kif ukoll skambju ta' informazzjoni u ta' data ma' aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC u l-UNODA jseħħu, fost l-oħrajn, permezz tal-Azzjoni ta' Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA). Is-SEESAC b'hekk iservi bħala ċentru reġjonali u punt fokali għal spettru wiesa' ta' kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet. Is-SEESAC iżomm kuntatt mill-qrib u jipprovdi appoġġ lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni għal tixrid ta' informazzjoni aktar effettiva mal-kontropartijiet tax-Xlokk tal-Ewropa, primarjament lid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni, u lill-Europol, kif ukoll inizjattivi mmexxija mill-Unjoni bħall-EMPACT Firearms, u l-grupp ta' Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE).

Ibbażat f'Belgrad, is-SEESAC attwalment jopera fix-Xlokk tal-Ewropa kollu, b'attivitajiet fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u ir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll jagħti appoġġ limitat lill-Ukrajna u l-Belarussja. Fil-passat, is-SEESAC kien jopera wkoll fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll permezz tal-RSG, fejn ir-rappreżentanti tas-sħab kollha fix-Xlokk tal-Ewropa jipprovdu l-gwida strateġika, l-inizjattivi u t-talbiet għall-attivitajiet tas-SEESAC.

Is-SEESAC kien il-pijunier ta' approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta' problemi kondiviżi permezz ta' inizjattivi reġjonali, li ħalla riżultati impressjonanti fix-Xlokk tal-Ewropa mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali tal-informazzjoni u l-promozzjoni ta' kompetizzjoni reġjonali b'saħħitha li dan l-approċċ iqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li jitkejlu faċilment fil-livell nazzjonali u dak reġjonali permezz ta' modalità ta' implimentazzjoni olistika. L-organizzazzjoni tal-laqgħat annwali tal-RSG u l-parteċipazzjoni mis-SEESAC fil-proċessi u l-inizjattivi reġjonali rilevanti kollha jipprovdu skambju ta' informazzjoni f'waqtu u espliċitu, għarfien qawwi tas-sitwazzjoni u t-tbassir meħtieġ biex tiġi żgurata li l-implimentazzjoni ma toħloqx sitwazzjonijiet ta' trikkib u tkun konformi mal-ħtiġijiet attwali tal-gvernijiet u r-reġjuni kif ukoll max-xejriet li jiżviluppaw.

Is-SEESAC jibbaża l-attivitajiet kollha tiegħu fuq il-ħtiġijiet espressi mill-kontropartijiet u d-data bażika miġbura, u jassigura l-approvazzjoni u l-appoġġ politiku minn partijiet ikkonċernati nazzjonali bħala prekondizzjoni għall-azzjoni. Barra minn hekk, l-isforzi kollha jsiru fil-qafas ta' appoġġ għall-proċessi mmexxija mill-Unjoni u l-kisba tal-istandards u l-kriterji tal-Unjoni. Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b'rata għolja ħafna ta' rendiment tal-attivitajiet previsti, billi kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda tas-sħab tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu s-SEESAC l-aktar sieħeb ta' implimentazzjoni adatt għal din l-azzjoni partikolari.

Il-proġett jikkomplementa wkoll l-isforzi nazzjonali u reġjonali eżistenti, filwaqt li jfittex sinerġiji massimi. Is-SEESAC ser jaħdem flimkien mal-isforzi ta' assistenza internazzjonali li ġejjin:

Fil-BiH:

il-proġett tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, l-appoġġ tekniku, u t-tnaqqis tal-munizzjon żejjed (EU STAR), iffinanzjata mill-komponent fuq perijodu qasir tal-Istrument tal-Unjoni li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u implimentata mill-uffiċċju tal-UNDP f'Sarajevo. Il-proġett EU STAR jibni fuq ir-riżultati u t-tagħlimiet meħuda mill-proġett EXPLODE, li kien iffinanzjat mill-Unjoni u implimentat mill-UNDP minn April 2013 sa Novembru 2016, biex ikompli l-appoġġ għall-istabbiliment ta' sistema sostenibbli għall-ġestjoni tal-kumulu tal-hażniet fil-BiH;

il-proġett iffinanzjat mill-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja li jiffoka fuq il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi (CIAT), li jassisti lill-pulizija tal-fruntieri tal-BiH, kif ukoll lill-Ministeru għas-Sigurtà tal-BiH fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom li jidentifikaw, jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi li ġejjin mill-BiĦ, u li jgħaddu minnha;

il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni stabbilit mill-Ministeru għad-Difiża tal-BiĦ (“MoD”) u atturi internazzjonali taħt il-koordinazzjoni tal-EUFOR Althea fi sforz biex tiġi żgurata l-komplementarjetà kontinwa tal-azzjoni mal-isforzi li għaddejjin tal-komunità internazzjonali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar il-ħażniet żejda ta' munizzjon konvenzjonali miżmuma mill-Ministeru għad-Difiża tal-BiH u fid-dawl ta' kwalunkwe possibbiltà ta' pjanijiet futuri għal kampanja biex jinġabru armi konvenzjonali illegali fil-BiH.

Sa issa, saru kisbiet sinifikanti permezz tal-kooperazzjoni u koordinazzjoni stretti ma' dawk it-tliet proġetti, li wasslu għal riżultati aktar effiċjenti'

fis-Serbja, il-proġett tal-ġestjoni tal-kumulu ta' ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali (CASM), iffinanzjat mid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tal-Amerka, il-UNDP u l-OSKE, huwa mfassal biex itejjeb is-sikurezza u s-sigurtà ta' siti predefiniti għall-ħażniet ta' munizzjon konvenzjonali u r-rimi ta' munizzjon żejjed irrapportat;

fil-Montenegro, il-proġett tad-demilitarizzazzjoni tal-Montenegro (MONDEM), amministrat mill-UNDP fi sħubija mal-OSKE, huwa mfassal biex jaħdem għat-tnaqqis tar-riskji tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura għall-ħżin ta' munizzjon konvenzjonali u sistemi ta' ġestjoni siguri u mingħajr periklu, it-tnaqqis tar-riskju ta' splussivi għall-komunitajiet permezz tad-demilitarizzazzjoni favur l-ambjent, il-qerda ta' skart tossiku perikoluż (propellant likwidu tar-rokits) u appoġġ għar-riforma tad-difiża permezz tal-qerda ta' kwantità limitata ta' sistemi ta' armi tqal imfassla mill-MoD għall-Montenegro;

fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-proġett għat-tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni ta' armi u munizzjon, li għandu l-għan li jżid is-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet eżistenti ta' armi ta' kalibru żgħir u munizzjon, u li hu ġestit mill-Ministeru għall-Affarijiet Interni u implimentat mill-missjoni OSKE fi Skopje;

fil-Kosovo, il-proġett dwar il-mitigazzjoni tar-riskju tal-armi tan-nar u splussivi (FERM) (preċedentement KOSSAC), li kien inizjalment imfassal biex inaqqas il-vjolenza bl-armi fil-Kosovo u jżid is-sigurtà tal-komunità, u li għandu l-għan li jappoġġa lill-partijiet ikkonċernati tal-Kosovo fil-kontroll tal-pussess illegali mifrux u ċ-ċirkolazzjoni ta' SALW u, permezz ta' ġestjoni bbażata fuq ir-riskju u approċċ ibbażat fuq l-evidenza, biex jitnaqqsu r-riskji ta' tali armi u materjali esplożivi;

fil-livell reġjonali, il-Pjattaforma Reġjonali għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSSRP), riżorsa stabbilita sew li tagħti rispons malajr, effettiv u skont id-domanda għall-ħtiġijiet tal-istat tad-dritt fil-livell tekniku fid-dinja kollha; b'mekkaniżmu ta' skjerament malajr ibbażat fuq in-netwerk uniku tas-SEESAC ta' esperti fis-sigurtà b'esperjenza fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, l-RSSRP tipprovdi assistenza mfassla apposta b'attenzjoni partikolari fuq il-kontroll ta' SALW u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika ta' sigurtà.

Is-SEESAC iżomm kuntatti regolari mal-OSKE, in-NATO, il-Europol, l-EMPACT u l-Interpol, kif ukoll ma' atturi oħra rilevanti, sabiex jiżgura l-komplementarjetà tal-azzjoni, il-puntwalità tal-interventi u l-kosteffettività fl-użu tar-riżorsi.

3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Il-fażi l-ġdida tal-proġett SEESAC ser tibni fuq il-bażi tar-riżultati li nkisbu taħt id-Deċiżjoni 2013/730/PESK u b'mod komplementari mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356.

Hija ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin, filwaqt li żżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida ppreżentata mis-SALW fir-reġjun. Dawk it-tliet oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku/politiku kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b'hekk jassistu b'mod dirett fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW, b'attenzjoni partikolari fuq: il-koordinazzjoni mill-qrib ta' approċċ reġjonali għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali; it-tisħiħ ta' kapaċitajiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi; u l-kontribuzzjoni għal fehim aħjar tal-kapaċitajiet sabiex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu fir-rigward tal-Ukrajna u l-Belarussja.

B'mod partikolari, il-proġett ser iwassal għal:

implimentazzjoni koordinata tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent;

l-għoti ta' appoġġ għall-armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Balkani tal-Punent dwar il-kontroll tal-armi tal-awtoritajiet mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u obbligi internazzjonali relatati oħra, u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun kollu;

il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera.

L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun bħala prerekwiżit biex tinkiseb bidla trasformattiva konkreta u li tista' titkejjel. B'mod partikolari, fil-livell reġjonali, il-proċessi ta' kooperazzjoni differenti ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti fil-livell operazzjonali, urew li huma ingredjent essenzjali biex jiġi żgurat ambjent kompetittiv u li jippermetti t-trasferiment ta' għarfien, l-iskambju ta' għarfien espert u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun, iżda aktar importanti minn hekk biex tinbena l-fiduċja u tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali, li fost affarijiet oħra, ippermettiet l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Konsegwentement, l-atmosfera ta' fiduċja professjonali tippermetti li jsir progress fil-livell nazzjonali fi kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Pjan Direzzjonali. Barra minn hekk, l-approċċ ta' kooperazzjoni reġjonali għamel lir-reġjun aktar trasparenti u effiċjenti fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-kummerċ tal-armi, bir-riżultat li s-sħab tax-Xlokk tal-Ewropa huma fost l-aktar trasparenti fid-dinja fir-rappurtar tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali bħala element essenzjali li jippermetti li jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu.

L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa l-Balkani tal-Punent, u l-Albanija, il-BiĦ, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja u l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma benefiċjarji diretti tal-proġett. Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex ikompli bl-appoġġ għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li qed jiffaċċjaw sfidi simili fil-kontroll tas-SALW, bħar-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja, permezz tat-trasferiment ta' għarfien u esperjenzi miksuba kif ukoll l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent mill-2001 'l hawn.

3.1.   Koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta' SALW/armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent

Objettiv

Biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali minn sitt benefiċjarji u s-sitt pjanijiet ta' azzjoni li jakkumpanjawh żviluppati b'objettivi speċifiċi u mkejla permezz ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs). Il-progress ser jitkejjel permezz ta' mekkaniżmu għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali u l-pjanijiet ta' azzjoni tas-sħab għall-implimentazzjoni tiegħu.

Deskrizzjoni

Fid-9 ta' Lulju 2018, fis-Summit tal-Balkani tal-Punent f'Londra, is-sħab tal-Balkani tal-Punent reġgħu kkonfermaw id-determinazzjoni komuni u l-impenn imsaħħaħ biex jintemm il-pussess illeċitu, l-użu ħażin u t-traffikar ta' armi tan-nar permezz tal-approvazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-Pjan Direzzjonali reġjonali li żviluppa permezz ta' proċess konsultattiv u bl-appoġġ tas-SEESAC, jikkomplementa l-attività eżistenti tal-Unjoni biex tiġi miġġielda dik it-theddida, b'mod speċifiku l-Pjan ta' Azzjoni 2015–2019, il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta' kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjoni tagħhom, u l-ħidma EMPACT tal-Europol fir-reġjun. Il-Pjan Direzzjonali huwa xhieda tal-kunsens milħuq fost il-partijiet ikkonċernati kollha fir-reġjun dwar l-isfidi attwali, il-miri globali li għandhom jintlaħqu u l-iskeda ta' żmien għall-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Huwa jipprovdi pjattaforma ġenerali għall-kisba ta' KPIs maqbula b'mod komuni fil-livell strateġiku, operazzjonali u ta' politika. Bħala tali, il-ħidma taħt dan il-komponent ser tirriżulta fi: koordinazzjoni effettiva tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali fil-livell reġjonali; appoġġ imfassal apposta għall-kummissjonijiet tas-SALW u l-awtoritajiet rilevanti fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tagħhom għall-Pjan Direzzjonali; monitoraġġ u evalwazzjoni perjodiċi tal-progress fid-dawl tal-KPIs maqbula b'mod konġunt; u fehim aħjar tal-kapaċitajiet tal-benefiċjarji biex jimplimentaw l-azzjonijiet taħt l-oqsma funzjonali tal-Pjan Direzzjonali.

B'mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali permezz ta':

laqgħat reġjonali formali għall-koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali li jiffokaw fuq l-evalwazzjoni tal-progress u l-iskambju ta' informazzjoni;

l-għoti ta' appoġġ espert u tekniku għal-laqgħat lokali ta' koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tas-sħab;

l-iżvilupp ta' rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali li jiddokumentaw il-progress, l-isfidi u l-ħtiġijiet fl-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali abbażi tal-KPIs maqbula b'mod komuni;

evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni tal-Pjan Direzzjonali, inkluż il-valutazzjoni tal-kapaċità tas-sitt benefiċjarji fir-rigward tal-kontroll tas-SALW;

Attivitajiet ta' tixrid ta informazzjoni u viżibbiltà marbuta mal-Pjan Direzzjonali (inkluż l-istabbiliment ta' pjattaforma online, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati u s-sensibilizzazzjoni).

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

Jiġu organizzati sa mhux iktar minn sitt laqgħat ta' koordinazzjoni reġjonali tal-Pjan Direzzjonali;

Jiġu ffaċilitati l-evalwazzjoni tal-progress, l-iskambju ta' informazzjoni, it-trasferiment tal-għarfien u l-istandardizzazzjoni;

Jiġu organizzati laqgħat ta' koordinazzjoni lokali (sa total ta' 36);

Jiġu żviluppati rapporti ta' monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali (sa sitta);

Issir evalwazzjoni ta' nofs it-terminu, li tinkludi valutazzjoni tal-kapaċità imħejjija għas-sitt benefiċjarji tal-Pjan Direzzjonali;

Tiġi stabbilita pjattaforma online biex jiġi żġurat tixrid ta' informazzjoni u viżibbiltà xierqa tal-Pjan Direzzjonali.

3.2.   Appoġġ lill-awtoritajiet tal-Balkani tal-Punent biex jarmonizzaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-kontroll tal-armi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi u standards internazzjonali relatati oħra fir-reġjun kollu

Objettiv

Dan il-komponent ser jipprovdi appoġġ tekniku komprensiv għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' qafas legali b'saħħtu għall-kontroll tas-SALW li jkun armonizzat b'mod sħiħ u li jkun konformi mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' ftehimiet u standards internazzjonali oħrajn.

Deskrizzjoni

L-ewwel mira tal-Pjan Direzzjonali għandha l-għan li tiżgura li fil-Balkani tal-Punent tkun fis-seħħ leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi u li din tkun armonizzata b'mod sħiħ mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' obbligi internazzjonali relatati oħra sal-2023. Hemm ħtieġa evidenti u urġenti għal tali qafas leġiżlattiv u regolatorju dwar il-kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent sabiex il-kontroll tal-armi tan-nar jiġi regolat b'mod effettiv u jiġi ffaċilitat ir-rispons għal theddid rilevanti. Konsegwentement dan ser jiffaċilita l-kompatibbiltà tal-liġijiet u l-proċeduri dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-prattiki ta' kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar. Tali standardizzazzjoni tippermetti t-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura milli jikkooperaw direttament, jiskambjaw informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet konġunti jew paralleli. Tagħti lok ukoll għal rispons aħjar u aktar effiċjenti fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew għal theddid marbut mal-armi tan-nar. Barra minn hekk, peress li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi rari tkun rikonoxxuta jew indirizzata b'mod adegwat mill-oqfsa leġiżlattivi u ta' politika li jirregolaw il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa, u b'hekk l-isforzi fir-rigward tal-kontroll tal-armi jkunu inqas effiċjenti biex jipprovdu sigurtà għaċ-ċittadini kollha, kemm jekk nisa, irġiel, bniet jew subien, il-proġett ser jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-armi.

Bl-appoġġ espert pprovdut lill-awtoritajiet fir-reġjun permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/730/PESK bħala bażi, dan il-komponent ser jappoġġa lill-awtoritajiet fir-reġjun bil-ħsieb li: jiġi pprovdut fehim aħjar tal-linja bażi attwali u tal-lakuni fil-qafas legali tas-sitt benefiċjarji; jiżgura appoġġ tekniku għall-armonizzazzjoni sħiħa mal-qafas regolatorju tal-Unjoni u ma' standards/ftehimiet internazzjonali oħrajn; jiġu żviluppati workshops tematiċi nazzjonali u reġjonali mfassla apposta; jiġi aġġornat il-kompendju tal-liġi reġjonali dwar l-armi; isir skrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tal-benefiċjarji tal-proġett sabiex jiġi żgurat li l-politiki li jirregolaw il-kontroll tal-armi ma jinjorawx ir-rabtiet bejn is-SALW u l-kwistjoni tal-ġeneri; u jitkompla l-programm gwida dwar il-Ġeneri (Gender Coach Programme). L-azzjoni ser tipprovdi wkoll appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-kummissjonijiet tas-SALW għat-tixrid ta' informazzjoni u għall-promozzjoni permezz ta' taħriġ dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-media.

Dan ser iseħħ permezz ta':

l-iżvilupp ta' valutazzjoni u analiżi tal-lakuni fl-oqfsa legali tas-sħab dwar il-kontroll tas-SALW u l-livell tal-armonizzazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik internazzjonali, kif ukoll il-livell ta' standardizzazzjoni tal-proċeduri fir-reġjun;

l-għoti ta' appoġġ għal standardizzazzjoni u armonizzazzjoni leġiżlattivi permezz ta' appoġġ konsultattiv kontinwu u fuq talba u l-organizzazzjoni ta' workshops tematiċi dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u l-kodiċi kriminali fir-rigward tal-armi kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f'dak nazzjonali;

l-aġġornament tal-kompendju reġjonali tal-liġijiet dwar l-armi bħala gwida ta' referenza faċli għal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW/l-armi tan-nar fir-reġjun;

it-twettiq ta' skrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali u l-kontinwazzjoni tal-programm gwida dwar il-Ġeneri;

it-taħriġ dwar l-iżvilupp ta' strateġija tal-media.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

valutazzjoni u analiżi tal-lakuni (sitta) tar-rapporti dwar il-qafas legali għal kull benefiċjarju;

sa mhux aktar minn tliet workshops reġjonali u sitt workshops tematiċi għall-benefiċjarji;

l-għoti ta' għarfien espert fuq talba dwar aġġornamenti leġiżlattivi u ta' politika;

kompendju tal-liġijiet dwar l-armi aġġornat, tradott bil-lingwi rilevanti kollha tar-reġjun;

rapporti dwar l-iskrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tal-armi (sitt rapporti);

programm gwida dwar il-Ġeneri ma' żewġ kapijiet tal-kummissjonijiet tas-SALW;

l-iżvilupp ta' strateġija tal-media u taħriġ.

3.3.   Ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi fil-Balkani tal-Punent, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja permezz ta' valutazzjonijiet tal-kapaċitajiet u assistenza teknika għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera

Objettiv

Li titnaqqas it-theddida tat-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar billi jissaħħu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi u l-pulizija tal-fruntiera għal aktar ġbir, analiżi u kondiviżjoni ta' informazzjoni.

Deskrizzjoni

Dan il-komponent ser jivvaluta l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet reġjonali li jwettqu attivitajiet preventivi u attivitajiet ripressivi meħtieġa biex ikunu jistgħu jidentifikaw, ifixklu u jiġġieldu kontra t-traffikar ta' armi tan-nar, munizzjon u splussivi li ġejjin miż-żoni ta' ġurisdizzjoni tagħhom u li jgħaddu minnhom. L-assistenza ser tiffoka fuq valutazzjoni profonda tal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-pulizija kriminali fir-rigward tar-riżorsi umani u t-tagħmir meħtieġa għal funzjonament u prestazzjoni adegwati. Ser jiġi implimentat proġett pilota bil-ħsieb li jiġi stabbilit n-Netwerk ta' Informazzjoni Ballistika tax-Xlokk tal-Ewropa, struttura kosteffettiva u operazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni ballistika li tkun konnessa direttament mal-Europol u li hija mfassla biex tawtomatizza l-ġbir u l-iskambju ta' informazzjoni ballistika azzjonabbli dwar il-kriminalità transfruntiera eżistenti relatata mal-armi tan-nar, il-prevenzjoni ta' kriminalità ulterjuri u t-titjib tal-istampa strateġika dwar in-natura u t-tendenzi tal-kriminalità marbuta mal-armi tan-nar.

L-attivitajiet proposti ser jikkomplementaw l-azzjonijiet appoġġati mill-Unjoni li għaddejjin fix-Xlokk tal-Ewropa, u jkunu kkoordinati mill-qrib magħhom, primarjament iċ-Ċiklu ta' Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja u b'mod speċifiku l-pjanijiet ta' azzjoni operazzjonali tal-EMPACT Firearms, kif ukoll l-attivitajiet tal-Europol, tal-Frontex u tal-Interpol. Fl-aħħar nett, l-attivitajiet taħt dan il-komponent ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni 2015 – 2019.

Barra minn hekk, abbażi tal-approċċ li rnexxa li jinkludi lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna, u tal-Belarussja, fil-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali li għaddejjin fix-Xlokk tal-Ewropa, diġà ġew identifikati għadd ta' ħtiġijiet marbuta mal-kontroll tas-SALW. Bl-għan li tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet ta' kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Moldova, fl-Ukrajna u fil-Belarussja biex jiġġieldu l-kriminalità b'mod ġenerali u l-proliferazzjoni u t-traffikar tas-SALW/Armi tan-nar b'mod partikolari, dan il-komponent ser jivvaluta l-oqsma kritiċi tal-kontroll tas-SALW f'dawk il-ġurisdizzjonijiet, u b'hekk titwitta t-triq għal interventi mmirati li jindirizzaw it-theddida tat-traffikar illeċitu tas-SALW.

Attivitajiet ewlenin previsti:

valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi tal-pulizija tal-fruntiera u tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar Illeċitu ta' armi;

inkomplu nibnu fuq il-ħidma li għaddejja dwar it-twaqqif tal-FFP permezz tal-appoġġ prattiku għall-kapaċitajiet ta' skambju tal-informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-evidenza ballistika, kif ukoll l-akkwist ta' tagħmir speċjalizzat b'appoġġ għall-FFP;

Valutazzjoni tal-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna u tal-Belarussja għal aspetti magħżula tal-kontroll tas-SALW, il-munizzjon u l-isplussivi kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar, b'attenzjoni partikolari, fost l-oħrajn, fuq oqfsa legali u ta' politika, kapaċitajiet tas-sigurtà fiżika u tal-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet tas-SALW (PSSM), il-kontroll tal-fruntieri, il-pulizija kriminali u r-rispons ġudizzjarju għat-traffikar u l-użu ħażin ta' armi tan-nar. Il-valutazzjoni dettaljata ser tidentifika opportunitajiet, theddid u sfidi, b'rakkomandazzjonijiet għal interventi mmirati possibbli li jindirizzaw it-theddida tat-traffikar illeċitu tas-SALW.

Riżultati/indikaturi tal-implimentazzjoni tal-proġett:

valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi tal-pulizija tal-fruntiera u tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tal-armi;

kapaċità msaħħa tal-esperti tal-ballistiċi u l-investigaturi għall-indirizzar tal-kriminalità relatata mal-armi tan-nar transfruntieri;

implimentazzjoni ta' proġett pilota fuq struttura għall-iskambju ta' informazzjoni ballistika operazzjonali;

valutazzjoni tal-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna u tal-Belarussja għal aspetti magħżula tal-kontroll tas-SALW b'interventi mmirati identifikati.

4.   Benefiċjarji

Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet responsabbli mill-kontroll tas-SALW fil-Balkani tal-Punent. L-awtoritajiet tal-affarijiet interni, is-servizzi tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri u l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Albanija, tal-BiH, tal-Kosovo, tal-Montenegro, tas-Serbja, tal-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tar-Repubblika tal-Moldova ser jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-kapaċitajiet, it-titjib tal-għarfien, proċeduri mtejba u tagħmir speċjalizzat kosteffettiv meħtieġ għall-avvanzi ta' politika, operazzjonali u tekniċi fil-kontroll tas-SALW. Fl-aħħar nett, il-kummissjonijiet tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli mill-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta' informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet ewlenin inkarigati bil-kontroll tas-SALW fir-Repubblika tal-Moldova, l-Ukrajna u l-Belarussja ser jibbenefikaw minn fehim aħjar tat-theddida tat-traffikar illeċitu tal-armi tan-nar u t-trasferiment ta' għarfien immirat.

L-attivitajiet proposti huma f'konformità sħiħa mal-Pjan Direzzjonali, kif ukoll mal-prijoritajiet tas-sħab dwar il-kontroll tas-SALW u ġew approvati mill-awtoritajiet rilevanti tas-sħab għall-kontroll tas-SALW, li juri l-adeżjoni u l-impenn tagħhom lejn il-kisba tar-riżultati tal-proġett.

Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, fil-Lvant tal-Ewropa u fl-Unjoni, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika minn dan il-proġett hekk kif jitnaqqas ir-riskju.

5.   Viżibbiltà tal-Unjoni

Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-azzjoni ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f'konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni għall-Komunikazzjoni u l-Viżibbiltà tal-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea. B'dan il-mod, is-SEESAC ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea permezz ta' mmarkar u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u s-sensibilizzazzjoni tar-raġunijiet għad-Deċiżjoni kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għad-Deċiżjoni u r-riżultati ta' dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b'mod prominenti l-bandiera tal-Unjoni Ewropea f'konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.

Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u t-tip, ser tintuża firxa ta' għodod promozzjonali, inkluż: il-media tradizzjonali; is-siti web; il-media soċjali; u materjal informattiv u promozzjonali inkluż infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adatt. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta' kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni fost diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali u l-mezzi ta' komunikazzjoni lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta. Ser issir enfasi partikolari fuq media ġdida u l-preżenza online.

6.   Durata

Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet 2010/179/PESK u 2013/730/PESK, u b'kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta' benefiċjarji u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perijodu ta' żmien għall-implimentazzjoni huwa 36 xahar.

7.   Struttura ġenerali

L-implimentazzjoni teknika ta' din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, l-inizjattiva reġjonali li taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u l-KKR. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta' Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta' SALW, is-SEESAC jaġixxi bħala l-punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali reġjonali.

Il-UNDP, li jaġixxi f'isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u l-kontabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. Id-durata tal-proġett huwa tliet snin (36 xahar).

8.   Sħab

Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f'kooperazzjoni mill-qrib mal-kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-awtoritajiet tal-affarijiet -interni tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo, il-Montenegro, is-Serbja, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u r-Repubblika tal-Moldova, u l-istituzzjonijiet rilevanti fl-Ukrajna u l-Belarussja. Istituzzjonijiet oħra ser ikunu involuti mill-qrib, f'konformità mal-approċċ olistiku b'diversi partijiet kkonċernati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.

9.   Rapportar

Ir-rapportar, kemm narrattiv kif ukoll finanzjarju, għandu jkopri l-azzjoni kollha deskritta fil-ftehim speċifiku għall-kontribuzzjoni rilevanti u l-baġit mehmuż miegħu, irrispettivament minn jekk din l-azzjoni hijiex kompletament iffinanzjata jew kofinanzjata mill-Kummissjoni.

Kull tliet xhur, għandhom jiġu ppreżentati rapporti narrattivi ta' progress biex jiġi rreġistrat u mmonitorjat il-progress lejn it-twettiq tar-riżultati ewlenin.

10.   Baġit stmat

L-ispiża totali stmata tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni hija ta' EUR 4 002 587,52.


(1)  Il-Pjan ta' Azzjoni dwar it-traffikar illeċitu ta' armi tan-nar bejn l-UE u r-Reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għall-2015-2019; konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' ċiklu ta' politika tal-UE 2018-2021 għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja - EMPACT Firearms.


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1789

tad-19 ta' Novembru 2018

b'appoġġ għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' SALW u l-munizzjon tagħhom (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”), sussegwentement riveduta fl-2018, li stabbilixxiet il-linji gwida għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”). L-istrateġija tal-UE dwar is-SALW innotat li l-Unjoni sejra, bħala prijorità, tappoġġa inizjattivi reġjonali li jiġġieldu kontra s-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom, billi tagħti appoġġ finanzjarju u tekniku lill-organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-istrumenti reġjonali rilevanti.

(2)

Fit-13 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) ppreżentaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi lejn strateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, is-SALW u l-Munizzjoni tagħhom illeċiti intitolata “Sigurtà fuq l-Armi, Nipproteġu liċ-Ċittadini”.

(3)

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), adottata fil-25 ta' Settembru 2015, affermat li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jinkiseb mingħajr il-paċi u s-sigurtà u li l-flussi ta' illeċiti armi huma fost il-fatturi li jwasslu għall-vjolenza, in-nuqqas ta' sigurtà u l-inġustizzja.

(4)

Fl-Aġenda tiegħu għad-Diżarm intitolata “Nassiguraw il-Futur Komuni Tagħna”, li ġiet varata fl-24 ta' Mejju 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-NU jappella għal approċċ inklużiv, integrat u parteċipatorju rigward il-kontroll tal-armi żgħar fil-livell nazzjonali u, f'ċerti sitwazzjonijiet, fil-livell subreġjonali.

(5)

Fit-tielet Konferenza tan-NU biex jiġi rieżaminat il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA), li saret f'Ġunju 2018, l-Istati Membri tan-NU impenjaw ruħhom li jsaħħu, kif adatt, is-sħubiji u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha għall-prevenzjoni tal-kummerċ illeċitu tas-SALW u l-ġlieda kontrih, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontroll fuq il-fruntieri; il-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet; il-qerda u d-disponiment; l-immarkar, iż-żamma ta' rekords u t-traċċar; u l-intermedjazzjoni illeċita. Huma impenjaw ruħhom ukoll li jsaħħu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet subreġjonali u reġjonali rilevanti fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-PtA u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar.

(6)

Il-Lega tal-Istati Għarab (LAS) hija organizzazzjoni reġjonali li tiġbor flimkien il-pajjiżi Għarab kollha, bil-għan li tiġi promossa u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-membri tagħha.

(7)

Fl-2016 l-Unjoni u l-LAS stabbilixxew id-Djalogu Strateġiku UE-LAS kif ukoll għadd ta' gruppi ta' ħidma.

(8)

Il-Grupp ta' Ħidma tad-Djalogu Strateġiku dwar Armi ta' Qerda Massiva u l-Kontroll tal-Armi ddefinixxa oqsma prijoritarji għal kooperazzjoni konkreta possibbli,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bil-ħsieb li jiġu appoġġati l-Istati Membri tal-LAS fl-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-PtA u l-Istrument Internazzjonali ta' Traċċar (ITI), l-Unjoni ser tindirizza l-objettivi li ġejjin:

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu is-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizzaw l-istess sfidi;

jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.

2.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tappoġġa, permezz ta' din id-Deċiżjoni, azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin:

kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti);

identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi);

miżuri oħra relatati mal-kontroll tal-armi ħfief, inkluż il-ġestjoni tal-kumulu tal-ħażniet, il-kontroll tal-provvisti relatati u s-sigurtà;

id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-reintegrazzjoni (DDR);

l-għoti ta' informazzjoni rilevanti għal SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW.

3.   Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq minn Small Arms Survey (“SAS”), irrappreżentat mill-Graduate Institute of International and Development Studies, bl-għajnuna tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) u b'kooperazzjoni mill-qrib mas-Segretarjat tal- LAS.

3.   L-SAS, bl-għajnuna tal-Interpol u d-WCO għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-SAS.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni msemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun EUR 2 858 550.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta' referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-SAS. Il-ftehim għandu jistipula li l-SAS għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, b'mod xieraq skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mill-SAS. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(3) Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


ANNESS

Ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir fl-Istati Membri tal-Lega tal-Istati Għarab (2018–2020)

1.   Kuntest u raġunijiet li jiġġustifikaw l-appoġġ mill-PESK

Dan il-proġett ser jibni fuq l-isforzi preċedenti mwettqa mill-Lega tal-Istati Għarab (LAS) u l-Unjoni biex jiġu assistiti l-Istati Membri tal-LAS fil-ġlieda kontra l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir (“SALW”) illeċiti fir-reġjun Għarbi. Il-qerda tal-armi ħfief illeċiti fir-reġjun Għarbi hija kruċjali biex jitnaqqsu l-forom kollha ta' vjolenza u jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-prosperità f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) – kemm fir-reġjun Għarbi kif ukoll fir-reġjuni ġirien, inkluż l-Ewropa.

B'mod aktar speċifiku, il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri li jimplimentaw il-Programm ta' Azzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta' Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu (PtA) u l-Istrument Internazzjonali tat-Traċċar (ITI) skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Il-qafas normattiv għall-proġett jinkludi wkoll l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-mira 16.4. Skont il-preferenzi tal-Istat Membru tal-LAS ospitanti, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jistgħu wkoll iservu ta' punti ta' riferiment għall-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet relatati mal-proġett (kontroll tal-esportazzjoni/importazzjoni, prevenzjoni tad-devjazzjoni, eċċ.).

2.   Objettivi u sostenibbiltà fit-tul tal-proġett

L-għan sottostanti tal-proġett huwa li b'mod sostenibbli tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri tal-LAS li jimplimentaw il-PtA u l-ITI, inkluż għall-fini li jiġu miġġielda l-armi ħfief illeċiti u t-terroriżmu, skont il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri tal-LAS. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, il-proġett għandu l-objettivi ewlenin li ġejjin:

(a)

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS li jiġġieldu l-proliferazzjoni illeċita ta' SALW, jiġġieldu t-terroriżmu u jsaħħu s-sigurtà f'sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitt;

(b)

tinbena b'mod sostenibbli l-kapaċità reġjonali tal-LAS li jindirizza l-istess sfidi;

(c)

jissaħħaħ il-kontroll nazzjonali tal-Istati Membri tal-LAS fuq is-SALW fl-istadji ewlenin taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

jittejjeb l-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda.

Il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri tal-LAS jindikaw li huma jfittxu l-assistenza u l-appoġġ f'oqsma speċifiċi, b'attenzjoni prevalenti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità nazzjonali biex jiġu miġġielda l-flussi tal-armi illeċiti (ara t-taqsima 3 għal aktar dettalji). Il-komponenti kollha tal-proġett, inkluż dawk relatati mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-evalwazzjoni ta' wara l-implimentazzjoni, fil-fatt huma mfassla biex jiżguraw li l-proġett jipprovdi kapaċità sostenibbli lill-benefiċjarji maħsuba tiegħu, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tal-gvern fi Stati Membri tal-LAS, kif ukoll is-Segretarjat tal-LAS (id-Dipartiment ta' Kontroll tal-Armi u d-Diżarm).

3.   Deskrizzjoni tal-azzjoni

Il-proġett tal-Unjoni biex jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu u l-proliferazzjoni ta' SALW fl-Istati Membri tal-LAS (2018–2020) huwa mfassal biex jirrispondi għall-ħtiġijiet li l-Istati Membri tal-LAS esprimew fl-oqsma prijoritarji li ġejjin:

Qasam 1:

Kontroll internazzjonali tat-trasferiment ta' SALW (ġlieda kontra l-flussi ta' armi illeċiti)

1.1.   Liċenzjar u kontroll tal-esportazzjoni/l-importazzjoni/it-transitu (valutazzjoni tar-riskju, eċċ.)

1.2.   Prevenzjoni tad-devjazzjoni ta' SALW lil destinatarji mhux awtorizzati

1.3.   Identifikazzjoni ta' SALW u l-partijiet tagħhom matul l-ispezzjoni ta' oġġetti u merkanzija ttrasportati (metodi ta' spezzjoni, tekniki u tagħmir, eċċ.)

Qasam 2:

Identifikazzjoni u interruzzjoni tas-sorsi ta' armi ħfief illeċiti (tisħiħ tal-kapaċitajiet għal aġenziji tal-infurzar tal-liġi)

2.1.   Kontroll fuq il-fruntieri fl-art, fl-ajru u dawk marittimi, inkluż it-trasferiment tat-teknoloġija

2.2.   Immarkar, żamma ta' rekords u traċċar

2.3.   Tekniki u metodi addizzjonali għall-investigazzjoni u l-ispezzjoni tal-armi (użu ta' informazzjoni ballistika, identifikazzjoni/interruzzjoni ta' rotot u metodi ta' traffikar, eċċ.)

Qasam 3:

Miżuri oħra ta' kontroll tal-armi ħfief

3.1.   Ġestjoni u sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet

Qasam 4:

Diżarm, Demobilizzazzjoni u Reintegrazzjoni (DDR)

4.1.   Skambju tal-għarfien espert, l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet meħuda fir-rigward tad-DDR

4.2.   Assistenza fit-tfassil tal-programmi DDR nazzjonali

4.3.   Forom oħra ta' appoġġ lill-Istati Membri tal-LAS matul il-fażi ta' wara l-konflitt

Ta' min jinnota li dan il-komponent, filwaqt li ntalab minn xi Stati Membri tal-LAS, irċieva inqas interess ġenerali mill-oqsma l-oħra elenkati f'din it-taqsima. Għal din ir-raġuni, dan il-proġett mhux ser jiffoka fuqu.

Qasam 5:

Għoti ta' informazzjoni rilevanti għas-SALW illeċiti u kontroll imsaħħaħ tas-SALW żgħir:

5.1.   Evalwazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri tal-LAS; pariri dwar emendi u reviżjonijiet possibbli.

5.2.   Traduzzjoni għall-Għarbi ta' riċerka rilevanti, studji ppubblikati u dokumenti oħra

Sabiex jindirizza l-ħtiġijiet ta' hawn fuq, il-proġett ser jinkludi l-elementi li ġejjin:

1.

Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr

2.

Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali

3.

Missjonijiet ta' valutazzjoni

4.

Taħriġ fil-pajjiż stess

5.

Assistenza leġislattiva

6.

Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

7.

Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr

8.

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett (inkluż awditjar finanzjarju)

3.1.   Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa ta' tnedija tal-Kajr

3.1.1.   Objettiv: Sensibilizzazzjoni dwar il-proġett, jiġi stabbilit kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS u jibdew jiġu identifikati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-pajjiżi (valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet) (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.1.2.   Attivitajiet: Laqgħa ta' tnedija ta' ġimgħa fil-Kajr, li tkopri l-aspetti kollha tal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 5), immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll il-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

3.1.3.   Riżultati tal-azzjoni: stabbiliment ta' kuntatt mal-Istati Membri tal-LAS; identifikazzjoni ta' ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

3.2.   Koordinazzjoni subreġjonali: gruppi ta' ħidma subreġjonali

3.2.1.   Objettiv: Fil-livell subreġjonali, l-Istati Membri tal-LAS jitħallew jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin u jidentifikaw il-prijoritajiet ta' implimentazzjoni f'oqsma relatati mal-proġett (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.2.2.   Attivitajiet: Sessjonijiet ta' ħidma ta' ġimgħa li jsiru, bejn wieħed u ieħor f'nofs il-proġett, fi tliet subreġjuni differenti (tentattivament: il-Magreb, is-Saħel Għarbi u l-Afrika tal-Lvant; il-Maxreq; il-Peniżola Għarbija u l-Iraq) (total ta' tliet ġimgħat). L-Istati Membri tal-LAS li jipparteċipaw f'kull waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma jkunu determinati fil-laqgħa ta' tnedija tal-Kajr (punt 3.1) jew ftit wara.

3.2.3.   Riżultati tal-azzjoni: skambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin f'oqsma relatati mal-proġett; identifikazzjoni ta' prijoritajiet ta' implimentazzjoni; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tas-sessjoni ta' ħidma.

3.3.   Missjonijiet ta' valutazzjoni

3.3.1.   Objettiv: Jiġu aċċertati ħtiġijiet speċifiċi għall-pajjiżi u jitħejjew it-taħriġ u l-assistenza ta' segwitu fil-pajjiż stess (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.3.2.   Attivitajiet: Żjarat fuq il-post fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza.

3.3.3.   Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' missjonijiet ta' valutazzjoni; produzzjoni ta' rapport qasir għal kull missjoni, li jkun kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS ospitanti, bil-għan li jiddetermina l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu (identifikazzjoni ta' politiki u miżuri eżistenti, lakuni normattivi jew oħrajn, u ostakli biex jiġu indirizzati tali lakuni).

3.4.   Taħriġ fil-pajjiż stess

3.4.1.   Objettiv: Tinbena kapaċità sostenibbli għall-kontroll ta' armi ħfief fl-Istat Membru ospitanti tal-LAS skont l-interessi u l-ħtiġijiet ta' dak l-Istat (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.4.2.   Attivitajiet

Sessjonijiet ta' taħriġ fil-pajjiż stess għall-Istati Membri tal-LAS li jitolbu l-assistenza. Is-sessjonijiet ta' taħriġ jistgħu jibbenefikaw minnhom it-22 Stat Membru tal-LAS (ġimgħa għal kull Stat) kollha kemm huma jew għadd iżgħar ta' Stati Membri tal-LAS (żjarat multipli f'dawk l-Istati, pereżempju ġimagħtejn ta' taħriġ għal 11-il Stat Membru tal-LAS).

Kull sessjoni ta' taħriġ ta' ġimgħa ser tinvolvi: (a) jum ta' ftuħ li jintroduċi uffiċjali għolja tal-gvern għall-aspetti kollha tal-proġett li huma ta' rilevanza/interess għall-Istat Membru tal-LAS; (b) taħriġ ta' jumejn għall-maniġers l-aktar esposti (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS); (c) taħriġ prattiku ta' jumejn għall-persunal fuq il-post (esperti ta' proġetti li jaħdmu b'mod parallel fuq l-oqsma ta' interess/rilevanza għall-Istat Membru tal-LAS).

F'każ ta' żjarat multipli, il-proġett ifittex li jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali billi jespandi u jsaħħaħ it-taħriġ ipprovdut matul l-ewwel żjara, speċjalment fl-oqsma identifikati mill-Istat Membru tal-LAS ospitanti bħala prijoritajiet ewlenin.

3.4.3.   Riżultati tal-azzjoni: L-impatt tas-sessjonijiet ta' taħriġ ikun ivvalutat sabiex jiġi ddeterminat sa fejn intlaħqu objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-proġett.

3.5.   Assistenza leġislattiva

3.5.1.   Objettiv: Tiġi vvalutata l-leġislazzjoni relatata mal-armi ħfief fl-Istati Membri tal-LAS li jitolbu tali assistenza; jiġu identifikati l-emendi u r-reviżjonijiet leġislattivi possibbli (oqsma prijoritarji 1 sa 4).

3.5.2.   Attivitajiet: riċerka dokumentattiva u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS; żjara fuq il-post (ġimgħa); u rapport ta' segwitu u kuntatt mal-Istat Membru rikjedenti tal-LAS.

3.5.3.   Riżultati tal-azzjoni: Produzzjoni ta' rapport qasir, kunfidenzjali għall-Istat Membru tal-LAS, li jidentifika emendi u reviżjonijiet leġislattivi possibbli.

3.6.   Għoti ta' informazzjoni bl-Għarbi

3.6.1.   Objettiv: Jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-LAS għal informazzjoni indipendenti u affidabbli bl-Għarbi dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata (qasam prijoritarju 5).

3.6.2.   Attivitajiet: Traduzzjoni għall-Għarbi ta' pubblikazzjonijiet u dokumenti ewlenin (rapporti ppubblikati, linji gwida dwar l-aħjar prattiki, eċċ.). Eżempji jistgħu jinkludu il-Gwida ta' Small Arms Survey għall-Proċess tan-NU dwar l-Armi Ħfief u l-Matriċi tas-Sigurtà Fiżika u l-Ġestjoni tal-kumulu tal-Ħażniet (PSSM) tiegħu.

3.6.3.   Riżultati tal-azzjoni: Riżultati speċifiċi jistgħu jinkludi t-traduzzjoni ta' kotba, rapporti u dokumenti ta' tagħrif importanti, kif ukoll il-produzzjoni ta' podcasts u blog posts bl-Għarbi. Din l-azzjoni tkun tirriżulta f'żieda sinifikanti fid-disponibbiltà ta' informazzjoni indipendenti u affidabbli bil-lingwa Għarbija dwar l-armi ħfief u l-vjolenza armata.

3.7.   Koordinazzjoni reġjonali: laqgħa konklużiva fil-Kajr

3.7.1.   Objettiv: Evalwazzjoni tal-proġett u l-pjan għal kooperazzjoni futura (oqsma prijoritarji 1 sa 5).

3.7.2.   Attivitajiet: Laqgħa ta' jumejn fil-Kajr fi tmiem il-proġett, immirata lejn l-uffiċjali għolja tal-Istati Membri tal-LAS u l-persunal tal-LAS responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-proġett.

3.7.3.   Riżultati tal-azzjoni: Diskussjoni u evalwazzjoni tal-proġett; elaborazzjoni ta' pjanijiet għal kooperazzjoni futura dwar il-kontroll ta' armi ħfief; produzzjoni ta' rapport ta' sinteżi tal-laqgħa.

3.8.   Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-proġett

3.8.1.   Objettiv: Jiġi żgurat li l-proġett ikun issodisfa l-objettivi sostantivi tiegħu, u li l-infiq tal-proġett ikun sar skont il-baġit maqbul.

3.8.2.   Attivitajiet: Sabiex jitkejlu l-impatti tad-diversi komponenti tal-proġett, il-proġett ser jinkludi kemm mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ kif ukoll wieħed estern. Il-mekkaniżmu intern ta' monitoraġġ ser jitmexxa mill-ispeċjalist fil-ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati (RBM) residenti, bl-appoġġ tal-persunal tal-proġett. L-evalwazzjoni esterna ser tinvolvi r-reklutaġġ ta' tim estern ta' evalwazzjoni li ser jivvjaġġa lejn il-Kajr għal-laqgħa ta' jumejn fi tmiem il-proġett, stati parteċipanti magħżula tal-Istati Membri tal-LAS (sa 8) u l-kwartieri tal-implimentaturi ewlenin tal-proġett Small Arms Survey, l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali. Il-proġett ser jinkludi wkoll awditu finanzjarju skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni.

3.8.3.   Riżultati tal-azzjoni: Tlestija ta' valutazzjoni tal-impatti tal-proġett; tlestija tal-awditu finanzjarju.

4.   Implimentazzjoni ta' aġenziji u sħubiji

Is-Small Arms Survey (“SAS”), ċentru ta' riċerka li jinsab fil-Graduate Institute of International and Development Studies f'Ġinevra, l-Iżvizzera, ser ikun l-aġenzija ta' implimentazzjoni ewlenija. Fl-implimentazzjoni tal-proġett, L-SAS ser jibbaża ruħu, b'mod partikolari, fuq il-kontributi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' Pulizija Kriminali (Interpol) u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO). L-Interpol ser ikollha r-responsabbiltà prinċipali għall-oqsma prijoritarji 2.2 u 2.3 (tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi), id-WCO għall-oqsma prijoritarji 1 u 2.1 (kontrolli internazzjonali tat-trasferimenti, inkluż kontrolli fuq il-fruntieri).

Skont il-ħtieġa, L-SAS jissottokuntratta lil organizzazzjonijiet oħra biex jassistu b'komponenti oħrajn tal-proġett (possibbilment ukoll il-komponent dwar il-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu tal-ħażniet). Skont il-ħtiġijiet u l-preferenzi ta' Stati Membri tal-LAS parteċipanti, organizzazzjonijiet oħra, inkluż organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll ċerti aġenziji speċjalizzati tal-LAS, jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-proġett.

L-aġenziji ta' implimentazzjoni ser jikkoordinaw ukoll mal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi li jaħdmu fl-Istati Membri tal-LAS, kif ukoll kwalunkwe programm tal-Unjoni bi preżenza hemmhekk, sabiex jiġi żgurat li l-attivitajiet kollha mwettqa fi ħdan il-qafas tal-proġett jikkomplementaw u jibnu fuq inizjattivi eżistenti.

L-SAS u s-sħab ta' implimentazzjoni tiegħu ser jieħdu wkoll miżuri xierqa biex tiġi żgurata l-viżibbiltà tal-proġett skont il-linji gwida tal-Unjoni.

5.   Tul ta' żmien

Il-proġett huwa previst li jdum 24 xahar. Skont l-interess tal-Istati Membri tal-LAS u l-finanzjament disponibbli, l-estensjoni tal-proġett lil hinn mill-perijodu inizjali ta' sentejn tkun tippermetti t-tkomplija u l-konsolidazzjoni tal-isforzi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet imwettqa fil-fażi inizjali tal-proġett. Pereżempju, it-taħriġ ipprovdut lil Stat Membri tal-LAS partikolari fil-fażi inizjali jista' jiġi ripetut, estiż u ttestjat, bl-involviment ta' firxa usa' ta' persunal, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà. L-Istati Membri tal-LAS li ma jirċevux it-taħriġ jew l-assistenza leġislattiva kollha li jkunu fittxew fl-ewwel fażi tal-proġett jistgħu jirċevuhom fit-tieni waħda. L-Istati Membri tal-LAS li identifikaw ħtiġijiet jew prijoritajiet ġodda fir-rigward tal-kontroll tal-armi abbażi, pereżempju, tal-kapaċitajiet miksuba fl-ewwel fażi tal-proġett, jistgħu jirċievu assistenza f'dawn l-oqsma fit-tieni fażi.


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1790

tas-16 ta' Novembru 2018

li tħassar id-Deċiżjoni 2002/623/KE li tistabbilixxi noti ta' gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati

(notifikata bid-dokument C(2018) 7513)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Anness II tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/623/KE (2) stabbilixxiet noti ta' gwida dwar l-objettivi, l-elementi, il-prinċipji ġenerali u l-metodoloġija tal-istudju tar-riskju ambjentali msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE.

(2)

Ingħataw spjegazzjonijiet addizzjonali estensivi dwar l-implimentazzjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE f'dokumenti ta' gwida aktar reċenti u aktar dettaljati dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”) adottati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (“l-Aġenzija”). Wara l-adozzjoni ta' dawk id-dokumenti aktar dettaljati, id-Deċiżjoni 2002/623/KE progressivament tilfet il-valur miżjud tagħha.

(3)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 (3), li emendat id-Direttiva 2001/18/KE, aġġornat l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE billi inkorporat u bbażat ruħha fuq il-gwida msaħħa tal-Awtorità dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati, adottat f'Ottubru 2010 (4), filwaqt li qieset li l-Anness II japplika għall-OĠM kollha u mhux biss għall-pjanti ġenetikament modifikati. Id-Deċiżjoni 2002/623/KE innifisha serviet bħala bażi għall-elaborazzjoni tal-gwida tal-Awtorità. Bħala riżultat, id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE issa huma aktar dettaljati u n-noti ta' gwida stabbiliti bid-Deċiżjoni 2002/623/KE ma għadhomx meħtieġa.

(4)

Għaldaqstant id-Deċiżjoni 2002/623/KE jenħtieġ li titħassar.

(5)

Id-Deċiżjoni 2002/623/KE jenħtieġ ukoll li titħassar fl-interess tas-simplifikazzjoni sabiex jitnaqqas in-numru ta' dokumenti ta' gwida li jridu jitqiesu mill-operaturi u mill-awtoritajiet kompetenti meta jitwettaq studju tar-riskju ambjentali skont l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skont l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/18/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/623/KE hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/623/KE tal-24 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi noti ta' gwida biex jissupplimentaw l-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 200, 30.7.2002, p. 22).

(3)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2018/350 tat-8 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istima tar-riskju ambjentali ta' organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 67, 9.3.2018, p. 30).

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (OĠM); Gwida dwar l-istudju tar-riskju ambjentali tal-pjanti ġenetikament modifikati. EFSA Journal 2010;8(11):1879. [111 pp.]. doi:10.2903/j.efsa.2010.1879


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2018/1791

tas-6 ta' Novembru 2018

dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (EUTM Mali/2/2018)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/34/PESK tas-17 ta' Jannar 2013 dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2013/34/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUTM Mali, inklużi d-deċiżjonijiet dwar il-ħatra ta' Kmandanti sussegwenti tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali.

(2)

Fit-23 ta' Jannar 2018, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/135 (2) biex ħatar lill-Brigadier Ġeneral Enrique MILLÁN MARTÍNEZ bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali.

(3)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, il-Ġermanja pproponiet il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Peter MIROW biex jieħu post il-Brigadier Ġeneral Enrique MILLÁN MARTÍNEZ bħala l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali mit-12 ta' Novembru 2018.

(4)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, il-Kumitat Militari tal-UE appoġġa dik ir-rakkomandazzjoni.

(5)

Għaldaqstant jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-ħatra tal-Brigadier Ġeneral Peter MIROW. Jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/135 titħassar.

(6)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u la hija marbuta biha u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Brigadier Ġeneral Peter MIROW huwa b'dan maħtur bħala l-Kmandant tal-Forza tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) mit-12 ta' Novembru 2018.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/135 hija b'dan imħassra.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Novembru 2018.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

S. FROM-EMMESBERGER


(1)  ĠU L 14, 18.1.2013, p. 19.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2018/135 tat-23 ta' Jannar 2018 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Forza tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali) (EUTM Mali/1/2018) (ĠU L 24, 27.1.2018, p. 1).


20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/36


DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tas-16 ta' Ottubru 2018

dwar il-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

Wara li rat ir-Regoli tal-Proċedura u, b'mod partikolari, l-Artikoli 48(4) u 57(8) tagħhom,

Billi:

(1)

Sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni, ġiet żviluppata applikazzjoni informatika li tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku.

(2)

Din l-applikazzjoni, li hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' awtentifikazzjoni elettronika u li tagħmel użu minn kodiċi ta' identifikazzjoni u password personali, tissodisfa r-rekwiżiti ta' awtentiċità, ta' integrità u ta' kunfidenzjalità tad-dokumenti skambjati.

(3)

Fid-dawl tas-suċċess li kellha din l-applikazzjoni u fid-dawl tal-vantaġġi tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħeffa tal-iskambji mwettqa b'dan il-mod, hemm lok li jiġi estiż il-grupp tal-benefiċjarji tagħha u li l-qrati tal-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw jew li jirċievu atti proċedurali b'dan il-mod fil-kuntest tat-trattament, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

(4)

Fl-interess ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — u għall-ħtiġijiet esklużivi tat-trattament tal-kawżi għal deċiżjoni preliminari — l-istess possibbiltà għandha tingħata lill-persuni li, mingħajr ma huma aġent jew avukat, xorta waħda huma awtorizzati, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, jirrappreżentaw parti quddiem il-qrati tal-Istat tagħhom.

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Definizzjoni

Applikazzjoni informatika msemmija “e-Curia”, komuni għall-qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għandha tippermetti l-preżentata u n-notifika ta' atti proċedurali b'mod elettroniku fil-kundizzjonijiet previsti f'din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Aċċess għall-applikazzjoni

L-użu ta' din l-applikazzjoni jirrikjedi l-ftuħ ta' kont ta' aċċess u jeħtieġ l-użu ta' kodiċi ta' identifikazzjoni u ta' password personali.

Artikolu 3

Preżentata ta' att proċedurali

Att proċedurali ppreżentat permezz ta' e-Curia għandu jitqies li huwa l-oriġinal ta' dan l-att, fis-sens tal-Artikolu 57(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-kodiċi ta' identifikazzjoni u l-password personali tar-rappreżentant ta' parti jew ta' persuna li taġixxi f'isem qorti ta' Stat Membru jkunu ntużaw sabiex titwettaq din il-preżentata. L-użu ta' dan il-kodiċi ta' identifikazzjoni u ta' din il-password jiswa bħala firma tal-att in kwistjoni.

Artikolu 4

Annessi u kopji

L-att proċedurali ppreżentat permezz ta' e-Curia għandu jkollu mehmuż miegħu l-annessi msemmija fih kif ukoll l-iskeda li telenka dawn l-annessi.

Il-preżentata ta' kopji awtentikati tal-att ippreżentat permezz ta' e-Curia u tal-annessi eventwali tiegħu ma hijiex neċessarja.

Artikolu 5

Data u ħin tal-preżentata

Il-mument li fih att proċedurali jitqies li ġie ppreżentat fis-sens tal-Artikolu 57(7) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jkun dak tal-validazzjoni tal-preżentata ta' dan l-att mir-rappreżentant tal-parti jew mill-persuna li taġixxi f'isem il-qorti kkonċernata.

Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Artikolu 6

Notifika tal-atti proċedurali

L-atti proċedurali, inklużi s-sentenzi u d-digrieti, għandhom jiġu nnotifikati permezz ta' e-Curia lid-detenturi ta' kont e-Curia li, f'kawża partikolari, ikunu qegħdin jirrappreżentaw lil parti jew ikunu qegħdin jaġixxu f'isem qorti ta' Stat Membru, kif ukoll lill-eventwali assistenti tagħhom.

L-atti proċedurali għandhom jiġu nnotifikati wkoll permezz ta' e-Curia lill-Istati Membri, lill-Istati l-oħra li huma parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u lill-istituzzjonijiet, korpi jew organi tal-Unjoni li jkunu aċċettaw dan il-mod ta' notifika.

L-atti proċedurali jistgħu jiġu nnotifikati wkoll skont il-modi l-oħra ta' trażmissjoni previsti fir-Regoli tal-Proċedura meta dan ikun meħtieġ mill-volum jew min-natura tal-anness jew meta l-użu ta' e-Curia jirriżulta teknikament impossibbli.

Artikolu 7

Data u ħin tan-notifika

Id-destinatarji tan-notifiki msemmija fl-artikolu preċedenti għandhom jiġu avżati, permezz ta' ittra elettronika, b'kull notifika indirizzata lilhom permezz ta' e-Curia.

L-att proċedurali għandu jitqies li ġie nnotifikat fil-mument meta d-destinatarju jitlob l-aċċess għal dan l-att. Fin-nuqqas ta' talba għal aċċess, l-att għandu jitqies li ġie nnotifikat wara l-iskadenza tas-seba' jum mill-jum li fih tkun intbagħtet l-ittra elettronika ta' avviż.

Fil-każ li parti tkun irrappreżentata minn diversi persuni jew fil-każ li diversi persuni jkunu awtorizzati sabiex jaġixxu f'isem qorti ta' Stat Membru, il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-termini għandu jkun dak li fih tkun saret l-ewwel talba għal aċċess.

Il-ħin li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet ta' użu tal-applikazzjoni

Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' użu ta' e-Curia u għandu jiżgura l-osservanza tagħhom. Użu ta' e-Curia li ma jkunx konformi ma' dawn il-kundizzjonijiet jista' jwassal għad-diżattivazzjoni tal-kont ta' aċċess ikkonċernat.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li ma jkun hemm ebda abbuż jew użu ħażin ta' e-Curia.

L-utent għandu jiġi avżat permezz ta' ittra elettronika dwar kull miżura meħuda skont dan l-artikolu li twaqqfu milli juża l-kont ta' aċċess tiegħu.

Artikolu 9

Tħassir

Din id-deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (1).

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ottubru 2018.

A. CALOT ESCOBAR

Ir-Reġistratur

K. LENAERTS

Il-President


(1)  ĠU C 289, 1.10.2011, p. 7.


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

20.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/39


DEĊIŻJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA

tad-9 ta' Novembru 2018

li tadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 [2018/1792]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Ewro-Mediterranju”) ġie ffirmat fis-17 ta' Lulju 1995 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.

(2)

L-Artikolu 80 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni li jieħu d-deċiżjonijiet xierqa, għall-finijiet li jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 90 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika neċessarja biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-Ftehim.

(4)

Fil-kuntest tar-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2016, ġiet proposta fażi ġdida ta' djalogu mas-sħab, li tikkontribwixxi għal sens aktar qawwi ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija ddeċidew li jikkonsolidaw is-sħubija privileġġata tagħhom bl-approvazzjoni ta' sett ta' prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020 bil-ħsieb li jappoġġaw u jirrinfurzaw it-tranżizzjoni demokratika u l-iżvilupp soċjo-ekonomiku fit-Tuneżija.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim Ewro-Mediterranju jenħtieġ li jaqblu dwar it-test tal-prijoritajiet strateġiċi, li jirrappreżentaw is-sħubija privileġġata UE-Tuneżija b'mod konkret għall-perijodu 2018-2020. Dawn il-prijoritajiet jenħtieġ li jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju, filwaqt li jagħmlu enfasi fuq il-kooperazzjoni dwar interessi kondiviżi, definiti b'mod komuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jadotta l-prijoritajiet strateġiċi UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020 kif inhuma ppreżentati fid-dokument imsejjaħ “It-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija: prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020” li jinsab fl-anness u jirrakkomanda li l-Partijiet jimplimentawhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.


ANNESS

It-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija: prijoritajiet strateġiċi għall-perijodu 2018-2020

1.   Introduzzjoni

It-Tuneżija ħadet deċiżjoni strateġika li tankra ruħha maż-żona Ewropea, u l-iżvilupp ta' demokrazija Tuneżina prospera u stabbli fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea huwa ta' interess strateġiku reċiproku.

Is-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija hija xhieda tar-relazzjonijiet bilaterali speċjali u dinamiċi li ġew stabbiliti, u l-ambizzjoni komuni li jsir progress f'rabtiet dejjem aktar mill-qrib bejn it-Tuneżija u ż-żona Ewropea. L-għan fit-tul huwa li jiġi żviluppat qafas ambizzjuż għal relazzjonijiet futuri wara l-2020, filwaqt li jitkompla l-progress li nkiseb u jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet għal rabtiet eqreb ipprovduti skont il-politika Ewropea tal-Viċinat fil-perijodu mill-2018 sal-2020.

Fil-kuntest tas-sħubija privileġġjata, it-Tuneżija hija impenjata bis-sħiħ sabiex timplimenta r-riformi meħtieġa għal żvilupp soċjoekonomiku sostenibbli tal-pajjiż u biex jiġi żgurat progress fuq terminu twil fit-tranżizzjoni demokratika. Filwaqt li tirrealizza l-portata tal-isfida u d-diffikultajiet li għaddejja minnhom it-Tuneżija, l-Unjoni Ewropea ttenni l-impenn tagħha li tappoġġa l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi malajr kemm jista' jkun.

Il-prijoritajiet strateġiċi żviluppati f'dan id-dokument jwasslu għas-sħubija privileġġjata f'termini prattiċi għall-perijodu 2018-2020. Il-ħolqien ta' perspettivi futuri għaż-żgħażagħ se jkun fil-qofol tal-azzjonijiet taż-żewġ naħat. L-enfażi se jkun fuq it-tħaffif tar-riformi soċjo-ekonomiċi, inkluż it-titjib tal-ambjent tan-negozju, u l-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv (DCFTA - deep and comprehensive free trade agreement). Il-konsolidazzjoni demokratika, b'mod partikolari l-implimentazzjoni effettiva tal-Kostituzzjoni tal-2014 u l-governanza tajba se jibqgħu essenzjali wkoll. Iż-żewġ naħat se jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, u fil-qasam tal-migrazzjoni u l-mobilità bit-tlestija tan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viża u dwar ir-riammissjoni, u l-parteċipazzjoni dejjem aktar attiva tat-Tuneżija fil-programmi tal-UE. It-tisħiħ tad-djalogu politiku ta' livell għoli u d-djalogu mas-soċjetà ċivili u kif ukoll il-viżibbiltà tas-sħubija se jimxu id f'id ma' dawn l-isforzi.

Dawn il-prijoritajiet huma msejsa fuq il-pjan ta' Żvilupp Tuneżin ta' Ħames Snin 2016-2020 (1) u l-Komunikazzjoni Konġunta “Tisħiħ tal-Appoġġ tal-UE għat-Tuneżija” (2).

2.   Prijoritajiet strateġiċi tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija għall-perijodu 2018-2020

Sħubija għaż-żgħażagħ

L-UE u t-Tuneżija jikkunsidraw il-prospetti taż-żgħażagħ għall-ġejjieni bħala għan ewlieni, kif jidher mis-sħubija UE-Tuneżija għaż-żgħażagħ imnedija mill-President Tuneżin u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President fl-1 ta' Diċembru 2016. Sabiex ikun hemm rispons aħjar għall-bżonnijiet taż-żgħażagħ Tuneżini, jenħtieġ li d-diversi azzjonijiet li għaddejjin u dawk futuri jsiru aktar konsistenti. Fuq il-bażi tad-djalogu mniedi għall-implimentazzjoni ta' din is-sħubija, l-UE u t-Tuneżija impenjaw ruħhom li jikkonsolidaw il-miżuri li jippromwovu l-impjiegi u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, il-mobilità u aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubblika u fil-politika, b'mod partikolari f'inizjattivi lokali. L-impjegabilità se teżiġi r-riforma fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħolqien ta' rabtiet aktar mill-qrib bejn is-settur privat u s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ, il-promozzjoni u l-appoġġ għal inizjattivi innovattivi mnedija miż-żgħażagħ, b'mod partikolari fl-oqsma tat-teknoloġiji l-ġodda u tal-kultura. L-appoġġ għall-iżvilupp ta' strateġija nazzjonali Tuneżina għaż-żgħażagħ se jkun element prinċipali tas-sħubija, kif se jkun it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet idedikati għaż-żgħażagħ.

Għall-ikkumplimentar ta' dan l-impenn liż-żgħażagħ, iż-żewġ naħat se jaħdmu fuq il-prijoritajiet strateġiċi li ġejjin:

2.1.   Żvilupp soċjoekonomiku inklużiv u sostenibbli

Il-progress politiku jista' biss ikun sostnut jekk ikun akkumpanjat minn progress ekonomiku ta' portata simili. Fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fraġli tat-Tuneżija, b'livell għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (speċjalment fost dawk li għandhom l-ogħla livell ta' edukazzjoni) u inugwaljanzi reġjonali u soċjali sinifikanti, wieħed mill-għanijiet ewlenin se tkun il-kontribuzzjoni biex l-ekonomija Tuneżina tirpilja, issir aktar kompetittiva u diversifikata u tinbidel b'mod inklużiv u b'mod sostenibbli, fir-rispett dovut għall-impenji internazzjonali dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. L-UE se tkompli tagħti l-appoġġ tagħha u tinkoraġġixxi r-riformi strutturali.

B'mod aktar partikolari, il-miżuri fil-qasam tal-iżvilupp soċjoekonomiku se jkunu organizzati madwar l-impenji li ġejjin:

it-titjib tal-klima tan-negozju u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u l-investiment privat, b'mod partikolari permezz ta': i) is-simplifikazzjoni u t-tħaffif tal-proċeduri amministrattivi għan-negozji, ii) it-titjib fl-aċċess għall-finanzjament, u iii) iż-żieda fl-investiment pubbliku u privat – b'mod partikolari l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-2016 dwar l-investiment u l-liġi tal-2017 li jfasslu mill-ġdid il-benefiċċji tat-taxxa, b'kont meħud ta' akkordji dannużi fir-rigward tal-abolizzjoni ta' vantaġġi fiskali;

se jkun hemm ukoll enfażi fuq il-promozzjoni b'mod attiv tal-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-SMEs/VSEs;

id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġiji settorjali nieqsa, pereżempju t-turiżmu;

it-titjib tal-protezzjoni tal-ambjent u l-ġestjoni tar-riżorsi naturali (inkluż l-ilma), b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ekonomija ekoloġika tat-Tuneżija u l-implimentazzjoni ta' impenji internazzjonali tat-Tuneżija dwar it-tibdil fil-klima (kontribuzzjoni nazzjonali stabbilità), l-ekonomija blu u riżorsi tas-sajd;

it-titjib tal-kompetittività ta' setturi tradizzjonali u ta' tkabbir fl-industrija u l-agrikoltura, fost l-oħrajn, permezz tal-appoġġ tal-innovazzjoni u l-iżgurar tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi, u d-diversifikazzjoni tas-swieq tal-esportazzjoni;

l-iżvilupp tas-settur tal-enerġija, inklużi interkonnessjonijiet tal-elettriku UE-Tuneżija, u l-promozzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija;

l-iżvilupp ta' sistema tat-trasport sikura, sigura, sostenibbli u effiċjenti msejsa fuq standards armonizzati ta' trasport u netwerk multimodali integrat sabiex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet nofsinhar-nofsinhar u tramuntana-nofsinhar;

il-konsolidazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' liġi baġitarja organika ġdida, ir-riforma tas-sistema ta' awditjar tal-istat u t-titjib fil-governanza tal-intrapriżi pubbliċi. L-implimentazzjoni tar-riforma tas-sistema tat-taxxa (is-simplifikazzjoni tas-sistema tat-taxxa, il-ġustizzja fiskali, id-deċentralizzazzjoni, il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni, il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali rilevanti) tirrappreżenta pass kruċjali lejn aktar żvilupp inklużiv tal-pajjiż. L-appoġġ għar-riformi bankarji li għaddejjin bħalissa u l-inklużjoni finanzjarja u l-istrateġija nazzjonali 2017-2021 rigward l-aċċess, l-użu u l-kwalità tas-servizzi huma importanti wkoll;

l-implimentazzjoni tal-proċess ta' deċentralizzazzjoni, bil-għan li jiġu żviluppati s-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura soċjali (b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kultura, is-saħħa, l-ilma u l-miżuri sanitarji) biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali; u l-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' żvilupp tar-reġjuni fl-intern tat-Tuneżija, impenn kondiviż miż-żewġ partijiet biex gradwalment inaqqsu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi.

Biex jitrawwem progress soċjali, iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom li jkomplu jippromwovu:

l-impjiegi, b'mod partikolari permezz ta' aktar riformi biex jiġi żgurat aċċess ġust għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali ta' kwalità għolja f'konformità mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; fil-qafas ta' politika attiva biex jittejbu l-opportunitajiet biex wieħed jidħol fis-suq tax-xogħol;

politika Tuneżina integrata u effiċjenti dwar l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali effettiva, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-korpi pubbliċi rilevanti, l-appoġġ għar-riformi mibdija mit-Tuneżija fil-qasam tal-koeżjoni soċjali, u l-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-applikazzjoni garantita ta' prinċipji ta' trattament ġust f'leġiżlazzjoni soċjali; u

djalogu soċjali inklussiv sabiex tisaħħaħ il-kapaċità li jitnaqqsu l-iżbilanċi soċjoekonomiċi, jitnaqqsu t-tensjonijiet soċjali u tiġi promossa paċi soċjali reali – u b'hekk titjieb l-attraenza tal-pajjiż għall-investituri barranin.

Iż-żewġ naħat jibqgħu impenjati b'mod sħiħ għall-proċess ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA - Deep and Comprehensive Free Trade Agreement) u qablu dwar pjan ta' azzjoni konkret għall-2018 biex ikun jista' jsir progress bil-ħsieb li jitħaffu n-negozjati bil-għan li jiġu konklużi mill-aktar fis possibbli. L-UE u t-Tuneżija se jkomplu jippromwovu l-modernizzazzjoni tal-ekonomija Tuneżina għall-benefiċċju ta' kulħadd, inklużi r-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar żvantaġġati, u jagħtu spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ. Iż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom li jżidu l-integrazzjoni ekonomika Tuneżina fis-suq Ewropew kif ukoll fir-reġjun tal-Magreb.

Sabiex jissaħħaħ ir-rwol tal-innovazzjoni u tar-riċerka fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali, l-UE u t-Tuneżija se jaħdmu fuq l-integrazzjoni tat-Tuneżija fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, b'mod partikolari billi jippromwovu edukazzjoni ogħla, it-tisħiħ tal-governanza, il-mekkaniżmi għall-promozzjoni tar-riċerka pubblika u t-trasferimenti tat-teknoloġija bejn il-qasam akkademiku u dak industrijali.

2.2.   Demokrazija, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem

L-UE u t-Tuneżija se jkomplu jagħtu importanza partikolari għall-proċess ta' riforma demokratika u l-promozzjoni ta' governanza tajba u l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u t-tisħiħ tar-rwol u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Iż-żewġ partijiet se jkomplu jippromovu l-proċess tar-riformi politiċi permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-Kostituzzjoni u l-impenji internazzjonali meħuda mit-Tuneżija.

L-aspetti prijoritarji fl-oqsma ta' governanza tajba u r-rispett tal-istat tad-dritt se jinkludu b'mod partikolari:

it-tisħiħ tal-istituzzjoni tal-Parlament u l-ħolqien u t-twaqqif effettiv ta' korpi indipendenti;

it-twaqqif tal-Qorti Kostituzzjonali;

il-konsolidazzjoni ta' proċess elettorali demokratiku, trasparenti u indipendenti;

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-frodi, fost l-oħrajn permezz ta' appoġġ għall-awtorità nazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja, inkluża l-approssimazzjoni tal-istandards internazzjonali inklużi dawk tal-Kunsill tal-Ewropa;

l-implimentazzjoni ta' strateġija għal riforma u modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, li tinkludi t-titjib ta' servizzi fil-livell ċentrali u lokali, l-introduzzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza, is-simplifikazzjoni ta' proċeduri amministrattivi u l-iżvilupp ta' amministrazzjoni diġitali;

l-appoġġ għall-proċess ta' deċentralizzazzjoni, inkluż il-bini ta' kapaċità u ż-żieda tal-baġits tal-amministrazzjonijiet lokali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-elezzjonijiet muniċipali f'Mejju 2018; it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ir-rwol tagħhom u l-kontribut tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u l-intensifikazzjoni ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, fil-ħajja politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

L-impenji ta' prijorità relatati mar-rispett u mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem se jinkludu:

il-finalizzazzjoni tal-proċess ta' armonizzazzjoni leġiżlattiva f'konformità mal-Kostituzzjoni u l-istandards internazzjonali, il-kooperazzjoni tat-Tuneżija f'fora multilaterali u l-implimentazzjoni tal-impenji li saru skont mekkaniżmu ta' eżami perjodiku universali;

l-appoġġ għall-isforzi biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, biex tiġi miġġielda t-tortura (inkluża l-implimentazzjoni ta' impenji meħuda fil-qafas tal-Kumitat tan-NU Kontra t-Tortura) u biex jiġu mħarsa persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli u promossi d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u tal-migranti;

l-appoġġ għal azzjoni pijuniera tat-Tuneżija biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra n-nisa, biex tiġi ggarantita l-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġi promoss ir-rwol tan-nisa fl-oqsma kollha, b'mod partikolari fl-isferi ekonomiċi u politiċi;

il-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni;

id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali; u

ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tas-sigurtà.

2.3.   It-tqarrib aktar flimkien tal-popli, il-mobbiltà u l-migrazzjoni

It-tqarrib aktar flimkien tas-soċjetajiet Tuneżini u Ewropej permezz ta' żieda tal-iskambji bejn il-popli, is-soċjetajiet u l-kulturi, huwa pilastru ewlieni tal-isħubija privileġġjata. Din id-dimensjoni ta' mobilità hija importanti immens fl-implimentazzjoni tas-sħubija għaż-żgħażagħ. L-implimentazzjoni effettiva tal-assoċjazzjoni tat-Tuneżija mal-Orizzont 2020 u l-parteċipazzjoni tagħha f'Ewropa Kreattiva u Erasmus + se jkunu l-foqol ta' dawn l-isforzi.

Il-ġestjoni kkoordinata tal-migrazzjoni hija prijorità politika kemm għat-Tuneżija u kif ukoll għall-UE. Iż-żewġ naħat se jfittxu li jtejbu d-djalogu u l-kooperazzjoni, b'mod partikolari l-implimentazzjoni tas-sħubija għall-mobilità, il-konsolidazzjoni fil-ġlieda kontra l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, u r-rieda Ewropea biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ażil Tuneżina. Din il-kooperazzjoni, li se tirrifletti wkoll id-dimensjoni reġjonali ta' dawn il-kwistjonijiet, se tinkludi:

l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali Tuneżina dwar il-migrazzjoni; b'mod li tkopri l-ażil u l-protezzjoni internazzjonali, u tinkludi l-implimentazzjoni ta' qafas leġiżlattiv xieraq;

it-tlestija tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' riammissjoni u dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi;

il-governanza tajba tal-migrazzjoni legali permezz ta' koordinazzjoni aħjar mal-Istati Membri tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi nazzjonali tagħhom, inkluż l-implimentazzjoni ta' skemi pilota ta' mobilità u integrazzjoni aħjar tal-migranti fil-pajjiżi ospitanti;

l-appoġġ għall-mobilizzazzjoni tat-Tuneżini li jgħixu barra mill-pajjiż biex jinvestu f'setturi innovattivi fit-Tuneżija;

l-appoġġ għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari billi jqisu aħjar kwistjonijiet ta' migrazzjoni fi strateġiji għall-iżvilupp; dan jinvolvi wkoll ġestjoni tal-fruntieri mtejba u kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari;

l-appoġġ għal attivitajiet li jipprevjenu u jiġġieldu l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta' bnedmin, fost l-oħrajn permezz tal-kxif u l-prosekuzzjoni ta' netwerks kriminali; u

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorni u r-riammissjonijiet, inkluż permezz ta' appoġġ għar-riintegrazzjoni sostenibbli ta' Tuneżini rimpatrijati.

2.4.   Is-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu

L-UE u t-Tuneżija qed jiffaċċjaw sfidi komuni ta' sigurtà li jeħtieġu azzjonijiet konġunti miż-żewġ naħat, u dawn iridu jipproċedu skont il-valuri komuni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem.

It-Tuneżija għandha l-ħsieb li timplimenta l-istrateġija globali u multisettorjali tagħha fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. L-oqsma ta' prijorità għal kooperazzjoni se jinkludu:

l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari billi jiġu msaħħa u modernizzati l-leġiżlazzjoni u l-istituzzjonijiet tas-sigurtà u dawk ġudizzjarji skont il-valuri demokratiċi mħaddna fil-Kostituzzjoni;

it-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-programm ta' appoġġ għar-riforma u l-modernizzazzjoni tas-settur tas-sigurtà, inkluż l-obbligu ta' rendikont tal-forzi tas-sigurtà, u l-approfondiment ta' din il-kooperazzjoni fuq il-progress li diġà sar;

il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta' azzjoni maqbul mat-Task Force ta' azzjoni finanzjarja;

l-iżvilupp ta' politika globali għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni;

ir-ritorn tal-ġellieda barranin;

l-iżvilupp ta' politika ta' assistenza u protezzjoni għall-vittmi tat-terroriżmu;

il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar u d-drogi;

l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għas-sigurtà tal-fruntieri;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni Ewropea; u

il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri u l-prevenzjoni.

L-Unjoni Ewropea se tkompli wkoll tipparteċipa bis-sħiħ fil-grupp tal-G7 + 6 li jiżgura l-koordinazzjoni bejn l-imsieħba ewlenin tat-Tuneżija.

Barra minn hekk, oqsma oħra ta' sħubija relatati mas-sigurtà u mad-difiża jistgħu jiġu żviluppati aktar.

3.   It-triq 'il quddiem għat-tisħiħ tas-sħubija privileġġjata UE-Tuneżija

L-importanza mogħtija miż-żewġ naħat għar-relazzjoni tagħhom se tkompli tiġi riflessa fl-intensità ta' kuntatti politiċi u żjarat regolari, bħala parti minn djalogu politiku usa' dwar is-suġġetti kollha ta' interess reċiproku, inklużi kwistjonijiet reġjonali u globali. Jenħtieġ li d-dimensjoni reġjonali ta' dawn it-taħditiet tiġi kkonsolidata. Iż-żewġ naħat huma konxji, f'dan ir-rigward, dwar l-importanza tal-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran. Minbarra d-djalogi eżistenti, iż-żewġ naħat se jaħdmu flimkien bil-ħsieb tal-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' livell għoli UE-Tuneżija u l-parteċipazzjoni ta' Ministri Tuneżini fil-laqgħat tematiċi informali mal-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ċerti suġġetti. Iż-żewġ naħat jinkoraġġixxu kooperazzjoni parlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu [Assemblée des Représentants du Peuple].

Il-korpi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u s-sottokumitati tekniċi) se jkomplu jkunu l-fora ppreferuta għall-implimentazzjoni effettiva tas-sħubija. L-UE u t-Tuneżija se jfittxu li jtejbu l-effikaċja u l-valur miżjud tal-ħidma tagħhom u, sa fejn ikun possibbli, li jiggruppaw din il-ħidma skont temi ta' prijorità ewlenin f'konformità mal-prijoritajiet strateġiċi.

Sabiex il-prijoritajiet elenkati hawn fuq ikunu aktar tanġibbli, għandu jiġi propost pjan direzzjonali mit-Tuneżija u approvat mill-UE. Dan id-dokument pubbliku se jistabbilixxi l-miżuri l-aktar urġenti (leġiżlattivi, strateġiċi u operazzjonali) meħtieġa għall-irkupru soċjoekonomiku tal-pajjiż. Dan il-pjan direzzjonali se jkun mekkaniżmu flessibbli u operazzjonali għall-monitoraġġ fuq bażi ta' darbtejn f'sena.

Skont il-komunikazzjoni konġunta, l-UE impenjat ruħha li ssaħħaħ b'mod sinifikanti l-appoġġ finanzjarju tagħha lit-Tuneżija permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat. L-UE u t-Tuneżija se jfittxu li jagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet ta' finanzjament diġà eżistenti, inklużi strumenti ġodda bħalma huma l-Pjan ta' Investiment Estern għall-UE, b'mod li jagħmlu l-aktar li jistgħu mill-komplementarjetà u mill-effetti ta' ingranaġġ bejn is-sussidji tal-UE u s-self ipprovdut minn istituzzjonijiet finanzjarji. Iż-żewġ naħat se jfittxu li jtejbu s-sinerġija bejn djalogi politiċi u settorjali, u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni finanzjarja. Huma se jaħdmu wkoll għat-tisħiħ ta' mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u djalogu mal-imsieħba finanzjarji u d-donaturi internazzjonali bis-saħħa tar-responsabbiltà Tuneżina kemm fir-rigward tal-iffissar ta' prijoritajiet u kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħhom.

Fl-aħħar nett, iż-żewġ naħat jimpenjaw ruħhom li jagħtu aktar viżibilità lir-relazzjoni strateġika UE-Tuneżija, u li jippromwovu l-benefiċċji tal-kooperazzjoni tagħhom fost iċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran.


(1)  Dan il-pjan jirrakkomanda mudell ġdid ta' żvilupp għal tkabbir sostenibbli u inklużiv u huwa strutturat madwar ħames prijoritajiet: i) il-governanza tajba, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ii) it-tranżizzjoni minn ekonomija bi spejjeż baxxi għal ċentru ekonomiku, iii) l-iżvilupp uman u l-inklużjoni soċjali, iv) ir-realizzazzjoni tal-ambizzjonijiet reġjonali, u v) l-ekonomija ekoloġika, li hija pilastru għall-iżvilupp sostenibbli.

(2)  Din il-Komunikazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (JOIN (2016) 47 final tad-29 ta' Settembru 2016) hija artikulata madwar ħames assi: i) il-promozzjoni ta' governanza tajba u riforma tal-amministrazzjoni pubblika; ii) it-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili; iii) l-investiment fil-ġejjieni: il-ħolqien ta' impjiegi u t-trawwim ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli; iv) it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-soċjetà; v) l-appoġġ fl-indirizzar tal-isfidi tas-sigurtà; vi) sforzi komuni għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u l-mobilità.