ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 292

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
19 ta' Novembru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1781 tas-16 ta' Novembru 2018 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

2

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1782 tal-15 ta' Novembru 2018 li tippermetti li jiġu rreveduti l-miri għar-Rumanija u għall-Portugall fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-2018 u għall-2019 għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013 (notifikata bid-dokument C(2018) 7486)  ( 1 )

4

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk tad-9 ta' Novembru 2018 li tapprova estensjoni ta' sena tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-istatus avvanzat (2013-2017) [2018/1783]

7

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

19.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/1


Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-“Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili”

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili, iffirmat fi Brussell fil-5 ta' Diċembru 2016, daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2018, f'konformità mal-Art. 36.1 tal-Ftehim, hekk kif l-aħħar notifika ġiet iddepożitata mill-ASECNA fis-17 ta' Ottubru 2018.


REGOLAMENTI

19.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/2


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1781

tas-16 ta' Novembru 2018

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 2465/96 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(b) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jelenka korpi pubbliċi, korporazzjonijiet u aġenziji u persuni fiżiċi u ġuridiċi, korpi u entitajiet tal-gvern preċedenti tal-Iraq koperti bl-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi li kienu jinsabu barra mill-Iraq nhar it-22 ta' Mejju 2003 skont dan ir-Regolament.

(2)

Fit-13 ta' Novembru 2018, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi annotazzjoni waħda mil-lista ta' persuni jew entitajiet li l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi jenħtieġ li japplika għalihom.

(3)

Għaldaqstant, l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Estera


(1)   ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.


ANNESS

Fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1210/2003, titħassar l-annotazzjoni segwenti:

“104.

RAFIDAIN COMPANY FOR BUILDING DAMS (magħrufa wkoll bħala STATE ORGANIZATION FOR DAMS). Indirizzi: Saddoun St., Bagdad, l-Iraq; P.O. Box 5982, Al-Masbah, Bagdad, l-Iraq.”

DEĊIŻJONIJIET

19.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/4


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1782

tal-15 ta' Novembru 2018

li tippermetti li jiġu rreveduti l-miri għar-Rumanija u għall-Portugall fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-2018 u għall-2019 għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013

(notifikata bid-dokument C(2018) 7486)

(it-testi bir-Rumen u bil-Portugiż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-Istati Membri jridu jadottaw pjanijiet għal blokok ta' spazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali (“FAB”), fosthom miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell ta' FABs, li jiżguraw il-konsistenza mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha.

(2)

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/348 (3) li, fost l-oħrajn, stabbiliet li l-miri lokali għar-Rumanija u għall-Portugall fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza li kienu inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni għall-FAB tad-Danubju u tal-Lbiċ rispettivament, kienu konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza (mill-2015 sal-2019).

(3)

Fl-2017, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, flimkien mal-Artikolu 19(2) tiegħu, ir-Rumanija u l-Portugall talbu l-permess tal-Kummissjoni biex jirrevedu l-miri lokali tal-kosteffiċjenza fir-rotot u fit-terminals tagħhom għall-2018 u għall-2019.

(4)

Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni (“PRB”) li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni, ivvaluta d-dokumentazzjoni ppreżentata mir-Rumanija u mill-Portugall. Ir-rapport mill-valutazzjoni għar-Rumanija ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-13 ta' April 2018, u fil-31 ta' Awwissu 2018 ingħata aġġornament ulterjuri. Ir-rapport mill-valutazzjoni għall-Portugall ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-2 ta' Awwissu 2018.

(5)

Ir-Rumanija u l-Portugall spjegaw li s-servizzi tagħhom ġew affettwati mill-bidliet fil-flussi tat-traffiku kkawżati mill-kriżijiet ġeopolitiċi u minn żvilupp ekonomiku iktar favorevoli milli kien ippjanat, li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġew adottati l-pjanijiet ta' prestazzjoni. Barra minn hekk, ir-Rumanija u l-Portugall ipprovdew evidenza wkoll, li kisbu abbażi tar-rapporti dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u abbażi ta' dokumenti oħra, li, fil-fehma tagħhom, turi li s-suppożizzjonijiet u l-argumenti oriġinali li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali ma għadhomx validi iktar.

(6)

Fir-rigward tar-Rumanija, il-livelli limitu ta' twissija stabbiliti għall-varjazzjonijiet bejn it-traffiku ppjanat u dak reali fir-Rumanija, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni tal-FAB tad-Danubju, intlaħqu għat-traffiku fir-rotot għall-2015 u għall-2017 u għat-traffiku fit-terminals għall-2016 u għall-2017. It-traffiku reali fir-rotot kien 13,9 % ogħla minn dak ippjanat fl-2015 u 12,7 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. It-traffiku reali fit-terminals kien 17,5 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 23,3 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. In-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ppjanar tat-titjiriet ta' porzjonijiet kbar tal-parti tal-Lvant tal-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna u tal-Baħar l-Iswed wassal għal bidliet sinifikanti fil-flussi tat-traffiku. Minkejja li seħħet fl-2014, din il-kriżi damet għaddejja iktar u kellha iktar konsegwenzi fuq it-traffiku fl-ispazju tal-ajru tar-Rumanija milli kien previst oriġinarjament. Il-flussi tat-traffiku fl-ispazju tal-ajru tar-Rumanija kienu affettwati wkoll mit-tnaqqis fid-domanda tat-traffiku bejn il-Federazzjoni Russa u t-Turkija, kif ukoll mill-projbizzjoni reċiproka tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa li inġenji tal-ajru rreġistrati f'wieħed minn dawk il-pajjiżi jtiru minn fuq il-pajjiż l-ieħor rispettivament. Barra minn hekk, l-iżvilupp ekonomiku fir-Rumanija, li kien aħjar milli kien previst, wassal għal żidiet sinifikanti tat-traffiku fit-terminals. Pereżempju, fl-ajruport ta' Bucharest, l-għadd ta' movimenti tal-ikbar tliet operaturi low cost żdied b'216 % mill-2014 sal-2017. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-livelli limitu ta' twissija kienu ntlaħqu minħabba ċirkostanzi li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġie adottat il-pjan ta' prestazzjoni, li ma jistgħux jingħelbu mir-Rumanija, li r-Rumanija ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(b) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.

(7)

Fir-rigward tal-Portugall, il-livelli limitu ta' twissija stabbiliti għall-varjazzjonijiet bejn it-traffiku ppjanat u dak reali fil-Portugall, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni tal-FAB tal-Lbiċ, intlaħqu għat-traffiku fir-rotot u għat-traffiku fit-terminals għall-2016 u għall-2017. It-traffiku reali fir-rotot kien 13 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 21 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. It-traffiku reali fit-terminals kien 16,2 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 28,9 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. L-instabbiltà politika fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Afrika wasslet biex it-traffiku jmur lejn destinazzjonijiet differenti, inklużi l-Portugall u l-Gżejjer Kanarji, li rriżulta f'żieda tat-traffiku fir-rotot fl-ispazju tal-ajru Portugiż. Barra minn hekk, it-tkabbir mhux previst fl-operazzjonijiet tat-trasportaturi low cost u charter li laħaq rati ta' tkabbir b'żewġ ċifri bejn l-2014 u l-2017, wassal għal żidiet sinifikanti tat-traffiku fit-terminals. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-livelli limitu ta' twissija kienu ntlaħqu minħabba ċirkostanzi li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġie adottat il-pjan ta' prestazzjoni, li ma jistgħux jingħelbu mill-Portugall, li l-Portugall ma għandu l-ebda kontroll fuqhom, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(b) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.

(8)

Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet tar-Rumanija b'rabta mal-kostijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-persunal, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni għall-FBA tad-Danubju, ma għadhomx validi iktar minħabba ż-żieda fit-traffiku u minħabba ż-żieda fil-kumplessità tat-traffiku li tirriżulta minn konċentrazzjoni ikbar ta' flussi tat-traffiku. Tabilħaqq, fir-rebbiegħa tal-2016, ġie kkunsidrat li jeħtieġ li jkun hemm bidliet fl-istruttura tal-ispazju tal-ajru fl-interfaċċa bejn ir-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija sabiex tlaħħaq mal-ispostament fil-flussi tat-traffiku, u dan wassal għal kumplessità ikbar tat-traffiku fil-parti tat-Tramuntana tal-ispazju tal-ajru tar-Rumanija. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali b'rabta mal-kostijiet, li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza ma għadhomx validi iktar u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.

(9)

Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet tal-Portugall b'rabta mal-kostijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-persunal, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni għall-FBA tal-Lbiċ, ma għadhomx validi iktar minħabba ż-żieda tat-traffiku. Tabilħaqq, il-miżuri miftiehma għall-pjan tal-kapaċità tal-fornitur Portugiż tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda tat-traffiku jeħtieġu għadd importanti ta' persunal addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali b'rabta mal-kostijiet, li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza ma għadhomx validi iktar u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija u l-Portugall ipprovdew evidenza suffiċjenti biex jappoġġaw it-talba għal reviżjoni tal-miri lokali tal-kosteffiċjenza tagħhom għall-2018 u għall-2019.

(11)

Għalhekk, ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu l-miri lokali tagħhom fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fir-rotot u fit-terminals, għall-2018 u għall-2019, sa fejn ikun meħtieġ sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li wasslu biex jintlaħqu l-livelli limitu ta' twissija u abbażi tal-evidenza li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali, ma għadhomx validi.

(12)

Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, wara li l-Kummissjoni tkun tathom il-permess jirrevedu l-miri rilevanti, ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu dawk il-miri u jenħtieġ li jippreżentaw il-pjanijiet emendati ta' prestazzjoni, abbażi tal-miri reveduti, lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-konsistenza tagħhom mal-miri għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza.

(13)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu l-miri lokali tagħhom fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għas-servizzi fir-rotot u fit-terminals għall-2018 u għall-2019. Meta jiddeċiedu li jagħmlu hekk, għandhom jippreżentaw rispettivament il-pjan emendat ta' prestazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali tad-Danubju u l-pjan emendat ta' prestazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali tal-Lbiċ, li jistabbilixxu dawk il-miri lokali reveduti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija u lir-Repubblika tal-Portugall.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/348 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar il-konsistenza ta' ċerti miri inklużi fil-pjanijiet nazzjonali jew tal-blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali mressqa skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza (ĠU L 60, 4.3.2015, p. 55).


RAKKOMANDAZZJONIJIET

19.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/7


RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-MAROKK

tad-9 ta' Novembru 2018

li tapprova estensjoni ta' sena tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-istatus avvanzat (2013-2017) [2018/1783]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-MAROKK,

wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (minn hawn il-quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2000.

(2)

Bis-saħħa tal-Artikolu 80 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li jqis rilevanti għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 90 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika neċessarja biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim u għandhom jaraw li jinkisbu l-objettivi ffissati fil-Ftehim.

(4)

L-Artikolu 10 tar-regolamenti interni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu rakkomandazzjonijiet, bejn is-sessjonijiet, permezz tal-proċedura bil-miktub.

(5)

L-estensjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-istatus avvanzat (2013-2017) tifforma l-bażi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk fis-sena attwali u tippermetti l-bidu ta' negozjati sabiex jiġu definiti oqsma ta' prijorità tematiċi ġodda fir-relazzjonijiet UE-Marokk għas-snin li ġejjin,

JIRRAKKOMANDA:

Artikolu uniku

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, permezz ta' proċedura bil-miktub, jirrakkomanda l-estensjoni b'sena tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-istatus avvanzat (2013-2017).

Magħmul fi Brussell, fid-9 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Marokk

Il-President

F. MOGHERINI


(1)   ĠU L 70, 18.3.2000, p. 2.