ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 288

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
16 ta' Novembru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1728 tat-13 ta' Lulju 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 515/2014 fir-rigward tal-allokazzjoni ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1729 tal-15 ta' Novembru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 206/2009 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tidher fuq il-posters għal min jivvjaġġa u għall-pubbliku ġenerali dwar ċerti kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali ( 1 )

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1730 tat-12 ta' Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju b'rabta mal-adozzjoni tal-linji gwida dwar il-ħażna temporanja ambjentalment korretta tal-merkurju, apparti l-iskart tal-merkurju, imsemmija fl-Artikolu 10(2) u (3) tal-Konvenzjoni

7

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1731 tat-12 ta' Novembru 2018 li taħtar żewġ membri u żewġ membri supplenti, proposti mir-Renju tad-Danimarka, fil-Kumitat tar-Reġjuni

9

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1732 tat-30 ta' Ottubru 2018 li twaqqaf is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EPOS ERIC) (notifikata bid-dokument C(2018) 7011)  ( 1 )

10

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1733 tal-14 ta' Novembru 2018 li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra

15

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1734 tal-14 ta' Novembru 2018 li tagħti derogi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika ta' Ċipru fir-rigward tal-provvediment tal-istatistika skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2018) 7465)  ( 1 )

19

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1728

tat-13 ta' Lulju 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 515/2014 fir-rigward tal-allokazzjoni ta' finanzjament addizzjonali mill-baġit tal-UE għall-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Dħul u Ħruġ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (1) u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15 tiegħu.

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jalloka EUR 791 miljun għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT li jappoġġaw il-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn il-fruntieri esterni, suġġett għall-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta att delegat li jistabbilixxi l-qsim tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014 għall-iżvilupp ta' sistemi tal-IT, fil-każ li l-qsim ta' tali ammont ma jsirx fl-atti leġiżlattivi tal-Unjoni rilevanti.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jistabbilixxi s-Sistema ta' Dħul u Ħruġ (EES). L-EES hija komponent ċentrali tas-sistemi tal-IT imsemmija fil-premessi (1) u (2). Barra minn hekk, huwa kruċjali li l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 tibda mingħajr aktar dewmien, b'tali mod li s-sistema tkun operattiva għalkollox sal-2020, kif ippjanat.

(4)

L-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) 2017/2226 jispeċifika l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-implimentazzjoni tal-EES li jkunu jitħallsu mill-baġit ġenerali tal-Unjoni b'mod li jiġu koperti dawn l-ispejjeż b'rata ta' 100 %. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tiddetermina la d-daqs ta' finanzjament addizzjonali li se jkun iddedikat biex ikopri dawk l-ispejjeż, u lanqas l-qsim tiegħu skont it-tip ta' spejjeż u l-benefiċjarji.

(5)

Mill-pakkett finanzjarju previst fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014, jenħtieġ li l-allokazzjoni globali ta' EUR 480 241 000 tkun disponibbli biex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikolu 64(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(6)

Minn dik l-allokazzjoni globali, jenħtieġ li ammont ta' EUR 287 863 000 ikun disponibbli lill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja (“eu-LISA”) sabiex, f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2017/2226, jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-istabbiliment u l-operat tas-Sistema Ċentrali tal-EES, tal-Infrastruttura ta' Komunikazzjoni, tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi (NUI), tas-servizz web u tar-repożitorju tad-data msemmija fl-Artikolu 63(2) ta' Regolament (UE) 2017/2226, kif previst fl-Artikolu 64(1) ta' dak ir-Regolament.

(7)

Minn dik l-allokazzjoni kumplessiva, jenħtieġ li ammont ta' EUR 192 378 000 jkun disponibbli għall-Istati Membri biex ikopri l-ispejjeż imġarrba b'rabta mal-integrazzjoni tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti tal-fruntiera u l-konnessjoni tagħha mal-NUI, kif ukoll b'rabta mal-ospitar tal-NUI, kif previst fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Barra minn dan, jenħtieġ li dak l-ammont ikopri l-ispejjeż tal-istabbiliment u l-operat tal-NUI msemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 peress li dawn l-ispejjeż huma sostnuti kemm minn eu-LISA u kif ukoll l-Istati Membri.

(8)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, l-ammont ta' EUR 192 378 000 ma jistax jintuża' biex jappoġġa l-ispejjeż elenkati f'dak is-subparagrafu. Madankollu dawn l-ispejjeż ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-programmi nazzjonali tal-Fond għas-Sigurtà Interna stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 515/2014 bir-rata ta' kofinanzjament imsemmija fl-Artikolu 16(3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.

(9)

Billi r-Regolament (UE) 2017/2226 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ddeċidiet li timplimenta r-Regolament (UE) 2017/2226 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka, hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali.

(10)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u ma huwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix indirizzat lir-Renju Unit.

(11)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li l-Irlanda mhijiex qiegħda tipparteċipa fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); L-Irlanda għalhekk mhux se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u ma hijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jiġix indirizzata lill-Irlanda.

(12)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis (5) ta' Schengen li jaqa' fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

(13)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (7) ta' Schengen li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat b'mod konġunt mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

(14)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (9) ta' Schengen li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, Punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat konġuntement mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

(15)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni espressa minn esperti mill-Istati Membri kollha kkonsultati speċifikament għal dak il-għan.

(17)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 jenħtieġ għalhekk li jkun supplimentat kif ġej,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ammont totali ta' EUR 480 241 000 għandu jiġi allokat mill-baġit ġenerali tal-Unjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 skont l-Artikolu 64 ta' dak ir-Regolament.

2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jittieħed mill-ammont ta' EUR 791 000 000 allokat għall-iżvilupp tas-sistemi tal-IT imsemmijin fl-Artikolu 5(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 515/2014.

Artikolu 2

L-ammont imsemmi fl-Artikolu 1(1) għandu jkun dan li ġej:

(a)

EUR 287 863 000 għandhom jiġu allokati lill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi ta' informazzjoni fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja stabbilità bir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(b)

EUR 192 378 000 għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri biex ikopru l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 64(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226 kif ukoll l-ispejjeż li jsiru b'konnessjoni mat-twaqqif u t-tħaddim tal-Interfaċċa Nazzjonali Uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 64(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Skont l-Artikolu 64(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2017/2226, il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-Unjoni għall-ispejjeż imġarrba għandha tammonta għal 100 % tan-nefqa totali eliġibbli. Tali kontribuzzjoni għanda tiġi allokata f'partijiet indaqs għall-Istati Membri.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1729

tal-15 ta' Novembru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 206/2009 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tidher fuq il-posters għal min jivvjaġġa u għall-pubbliku ġenerali dwar ċerti kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(5) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 (2) jistipula regoli dwar l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni personali tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali ta' natura mhux kummerċjali li jagħmlu parti mill-bagalji tal-vjaġġaturi, jew li jintbagħtu f'kunsinni żgħar lill-persuni privati jew li jiġu ordnati mill-bogħod u mwassla lill-konsumatur.

(2)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 206/2009 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li fil-punti kollha ta' dħul fl-Unjoni, vjaġġaturi li jaslu mill-pajjiżi terzi jiġu ppreżentati bil-kundizzjonijiet veterinarji applikabbli għall-kunsinni personali introdotti fl-Unjoni. L-informazzjoni li għandha tingħata lill-vjaġġaturi għandha tinkludi tal-anqas l-informazzjoni li tinsab f'wieħed mill-posters stabbiliti fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(3)

Huwa xieraq li l-informazzjoni fuq il-posters tiġi ppreżentata b'mod ieħor sabiex tkun aktar viżibbli għall-vjaġġaturi u għall-pubbliku ġenerali.

(4)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 206/2009 jkun emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Iż-żewġ posters fl-Anness ta' dan ir-Regolament jiżdiedu mal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 206/2009.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 206/2009 tal-5 ta' Marzu 2009 dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kunsinni personali ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 136/2004 (ĠU L 77, 24.3.2009, p. 1).


ANNESS

Image

Image


DEĊIŻJONIJIET

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1730

tat-12 ta' Novembru 2018

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju b'rabta mal-adozzjoni tal-linji gwida dwar il-ħażna temporanja ambjentalment korretta tal-merkurju, apparti l-iskart tal-merkurju, imsemmija fl-Artikolu 10(2) u (3) tal-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju(“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (1) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta' Awwissu 2017.

(2)

Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-regoli ta' proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet iridu jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b'kunsens dwar il-materji kollha ta' sustanza.

(3)

Waqt it-tieni laqgħa tagħha mid-19 sat-23 ta' Novembru 2018, il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni trid tadotta linji gwida dwar il-ħażna temporanja ambjentalment korretta tal-merkurju, apparti l-iskart tal-merkurju. (il-“linji gwida”).

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fit-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-]Konvenzjoni, billi l-linji gwida ser ikollhom effetti legali peress illi l-Partijiet għall-Konvenzjoni jridu jqisu dawn il-linji gwida meta jkunu qed jieħdu miżuri b'rabta mal-ħażna temporanja.

(5)

L-Unjoni kkontribwixxiet għar-reviżjoni tal-abbozz tal-linji gwida fil-qafas tal-ħidma intersessjonali tal-esperti li tnediet bid-Deċiżjoni MC-1/18, li ġieadottat mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni fl-ewwel laqgħa tagħha. .L-Unjoni ma qisitx li kien neċessarju li jiġu proposti aktar emendi għall-abbozz rivedut tal-linji gwida li jirriżultaw minn dik il-ħidma intersessjonali.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(3) tiegħu, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni, kif ikkomplementat mill-abbozz rivedut tal-linji gwida.

(7)

Għaldaqstant, l-abbozz rivedut tal-linji gwida jenħtieġ li jiġi appoġġat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (“COP2”) għandha tkun biex tappoġġa l-adozzjoni tal-linji gwida dwar il-ħażna temporanja ambjentalment korretta tal-merkurju, apparti l-iskart tal-merkurju, imsemmija fl-Artikolu 10(2) u (3) tal-Konvenzjoni, kif jinsabu fid-dokumenti ppreżentati għall-adozzjoni f'COP 2.

Jista' jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar għad-dokumenti msemmija fl-ewwel paragrafu, fid-dawl tal-iżviluppi f'COP 2, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f'konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta' koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta' Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1731

tat-12 ta' Novembru 2018

li taħtar żewġ membri u żewġ membri supplenti, proposti mir-Renju tad-Danimarka, fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Daniż,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020. Nhar il-5 ta' April 2016, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/552 (4), is-Sur KASTRUP LARSEN ġie sostitwit mis-Sur Erik NIELSEN bħala membru. Fis-7 ta' Marzu 2017, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/426 (5), is-Sur Erik NIELSEN ġie sostitwit mis-Sinjura Kirstine BILLE bħala membru u s-Sinjura Kirsten JENSEN ġiet maħtura mill-ġdid bħala membru.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sinjura Kirstine Bille u tas-Sinjur Jens Christian GJESING saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sur John SCHMIDT ANDERSEN u tas-Sinjura Kirsten JENSEN saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b'dan maħtura fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Jens Christian GJESING, Kunsillier Haderslev,

Is-Sinjura Kirstine BILLE, 2. Viċi Sindku Syddjurs,

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sinjura Kirsten JENSEN, Sindku Hillerød,

Is-Sur Karsten SØNDERGAARD NIELSEN, Sindku Egedal.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Novembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/552 tal-5 ta' April 2016 li taħtar membru, propost mir-Renju tad-Danimarka, fil-Kumitat tar-Reġjuni. (ĠU L 95, 9.4.2016, p. 12.).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/426 tas-7 ta' Marzu 2017 li taħtar membru u membru supplenti, proposti mir-Renju tad-Danimarka, fil-Kumitat tar-Reġjuni. (ĠU L 64, 10.3.2017, p. 108.).


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1732

tat-30 ta' Ottubru 2018

li twaqqaf is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EPOS ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2018) 7011)

(It-testi bid-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż u s-Sloven biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, id-Danimarka, Franza, l-Italja, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Portugall, is-Slovenja, u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni tistabbilixxi s-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea - Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EPOS ERIC). Il-Greċja, l-Iżlanda u l-Iżvizzera għarrfu bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw f'EPOS ERIC inizjalment bħala osservaturi. Huma qablu li l-Italja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-EPOS ERIC.

(2)

Billi fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, b'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. B'konsegwenza ta' dan, wara d-data tal-irtirar, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni r-Renju Unit se jitqies bħala pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Titwaqqaf is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea - Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka “EPOS ERIC”.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-EPOS ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lill-Iżlanda, lir-Repubblika Taljana, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Renju tan-Norveġja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Repubblika tas-Slovenja, lill-Konfederazzjoni Żvizzera u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta' Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (2016/755) (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EPOS ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi tal-Artikoli li ġejjin tal-Istatuti tal-EPOS ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009.

1.   Kompiti u Attivitajiet

(l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-kompitu prinċipali tal-EPOS ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera s-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea distribwita u jipprovdi qafas ta' ġestjoni effikaċi li jmexxi l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni tas-Servizzi ta' Qofol Tematiċi (TCS) kif ukoll jibni u jipprovdi governanza għas-Servizzi ta' Qofol Integrati (ICS).

2.

L-EPOS ERIC għandu jwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

jimplimenta t-TCS għall-komunitajiet differenti li jikkontribwixxu lejn l-EPOS;

(b)

jiżgura l-koordinazzjoni tat-TCS fi ħdan EPOS ERIC, li tkopri l-aspetti finanzjarji, legali u ta' governanza, u l-konnessjoni teknika mal-ICS;

(c)

jiżviluppa l-ICS li jipprovdi l-interoperabbiltà, il-ġestjoni tad-data u l-aċċess għas-servizzi;

(d)

jarmonizza l-implimentazzjoni tal-EPOS mal-prijoritajiet u l-istrateġiji nazzjonali;

(e)

jintegra l-EPOS fil-komunità xjentifika globali biex jissaħħu s-servizzi tal-EPOS;

(f)

jiżgura l-isfruttament sħiħ tal-kisba tal-infrastruttura ġdida għar-riċerka;

(g)

irawwem it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali;

(h)

jipparteċipa fi proġetti ffinanzjati mill-UE;

(i)

kull azzjoni relatata oħra meħtieġa biex jilħaq il-mira tiegħu.

3.

L-EPOS ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhix ekonomika. L-EPOS ERIC jista' jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, bil-kundizzjoni li jkunu marbuta mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u li ma jippreġudikawx il-kisba tiegħu.

4.

L-EPOS ERIC għandu jżomm rendikont tal-ispejjeż u l-introjtu tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu separatament u għandu jitlob prezzijiet tas-suq għalihom, jew, jekk dawn il-prezzijiet ma jkunux jistgħu jiġu aċċertati, l-ispejjeż totali b'marġni raġonevoli. Dawn l-attivitajiet ma għandhomx jiġu koperti minn eżenzjonijiet tat-taxxa.

2.   Sede statutorja tal-EPOS ERIC

(l-Artikolu 2(3) tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

L-EPOS ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Ruma, l-Italja.

3.   Isem

(l-Artikolu 2(1) tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

Is-Sistema tal-Osservazzjoni tal-Blata Tettonika Ewropea hi stabbilita bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009, bl-isem u minn hawn 'il quddiem imsejħa “EPOS-ERIC”.

4.   Durata

(l-Artikolu 26 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

EPOS-ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu inizjali ta' għoxrin sena. Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'deċiżjoni ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Assemblea Ġenerali.

5.   Stralċ

(l-Artikolu 27 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-istralċ tal-EPOS-ERIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea Ġenerali, b'konformità mal-Artikolu 10 tal-Istatuti.

2.

Mingħajr dewmien bla bżonn u fi kwalunkwe eventwalità fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi stralċat l-EPOS ERIC, l-EPOS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar id-deċiżjoni.

3.

L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tal-EPOS ERIC għandhom jitqassmu bejn il-membri skont il-kontribuzzjoni annwali akkumulata tagħhom lill-EPOS-ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 9 tal-Istatuti.

4.

Mingħajr dewmien bla bżonn, u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem mill-għeluq tal-proċedura ta' stralċ, l-EPOS ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar dan.

5.

L-EPOS ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika n-notifika korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Responsabbiltà

(l-Artikolu 18 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.

Il-membri, b'mod konġunt, mhumiex responsabbli għad-djun tal-EPOS ERIC. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-membri u l-osservaturi permanenti għad-djun ta' EPOS ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom ipprovduta lil EPOS ERIC kif speċifikat fl-Artikolu 9 tal-Istatuti.

3.

L-EPOS-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u l-operat tal-EPOS-ERIC.

7.   Politika tal-Aċċess

(l-Artikolu 19 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-politika tal-aċċess għad-data tal-EPOS ERIC għandha ssegwi l-aħjar prattiki internazzjonali fir-rigward tad-data pubblika, bħal dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea, u għandha tirrikonoxxi d-drittijiet tas-sidien tad-data.

2.

L-EPOS ERIC għandu jiffaċilita r-riċerka, u għandu, bħala regola ġenerali, jħeġġeġ l-aċċess miftuħ skont il-prinċipji FAIR għad-data tar-riċerka, il-prodotti tad-data, is-servizzi u softwer, kif ukoll il-faċilitajiet tar-riċerka.

3.

Fejn ikun hemm xi differenzi fil-politiki relatati mal-qsim tad-data u r-regoli tal-aċċess fiżiku, l-EPOS ERIC se jinkoraġġixxi kultura ta' qsim ta' esperjenzi u l-kondiviżjoni tar-riċerka pubblika fi ħdan il-komunitajiet u fi ħdan il-membri, l-osservaturi u lil hinn. L-aċċess għandu jkun ibbażat fuq kriterji, proċedura u modalitajiet li jsegwu l-prinċipji ta' aċċess miftuħ, kif jiddefinixxu r-Regoli ta' Implimentazzjoni tal-EPOS ERIC.

4.

Il-proċeduri u l-kriterji tal-evalwazzjoni għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-EPOS ERIC.

8.   Politika ta' Evalwazzjoni Xjentifika

(l-Artikolu 20 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

L-attivitajiet tal-EPOS-ERIC għandhom jiġu evalwati kull ħames (5) snin minn bord independenti ta' evalwaturi esterni internazzjonali tal-ogħla kwalità, maħtura mill-Assemblea Ġenerali u li jirrapportaw lilha; il-bord għandu jwettaq evalwazzjonijiet xjentifiċi tal-attivitajiet tal-EPOS ERIC.

9.   Politika tat-Tixrid

(l-Artikolu 21 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku wkoll permezz tal-EPOS ERIC.

2.

L-EPOS ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż portal tal-Internet, rapport informali, workshops, preżenza f'konferenzi, artikli f'rivisti u l-midja tal-aħbarijiet.

10.   Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 22 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

It-terminu “Proprjetà Intellettwali” (IP) għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta' Lulju 1967.

2.

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tad-data tal-EPOS ERIC u għarfien ieħor prodott u żviluppat fi ħdan l-attivitajiet tal-EPOS ERIC għandhom jappartjenu lill-entità/ajiet jew lill-persuna/i li jkunu ġġenerawhom.

3.

L-iskambju u l-integrazzjoni tal-proprjetà intellettwali bejn il-Membri jew l-entitajiet rappreżentanti għandhom ikunu soġġetti għar-Regoli ta' Implimentazzjoni approvati mill-Assemblea Ġenerali. Ir-Regoli ta' Implimentazzjoni għandhom jindirizzaw ukoll it-termini tal-kunfidenzjalità tad-data skambjata.

4.

Il-proprjetà intellettwali ġġenerata b'riżultat tal-attivitajiet iffinanzjati esklussivament mill-EPOS ERIC għandha tkun il-proprjetà tal-EPOS ERIC.

5.

L-EPOS ERIC għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

11.   Politika tal-Impjiegi

(l-Artikolu 23 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

Il-politika tal-impjiegi tal-EPOS ERIC għandha tkun irregolata mil-liġijiet tal-pajjiż li fih il-persunal huwa impjegat u abitwalment iwettaq ħidmietu.

2.

Il-proċeduri tal-għażla, ir-reklutaġġ u l-impjieg tal-pożizzjonijiet tal-persunal tal-EPOS ERIC għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li għandhom jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs. Il-pożizzjonijiet vakanti kollha fl-EPOS ERIC għandhom jitħabbru pubblikament.

12.   Politika tal-Akkwist

(l-Artikolu 24 tal-Istatuti tal-EPOS ERIC)

1.

L-EPOS ERIC għandu jittratta l-kandidati tal-akkwisti u lill-offerenti b'mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Il-politika dwar l-akkwist tal-EPOS ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. Regoli dettaljati u kriterji dwar il-proċeduri tal-akkwist għandhom jiġu stabbiliti fir-Regoli ta' Implimentazzjoni.

2.

L-akkwist minn membri u minn osservaturi li jikkonċerna l-attivitajiet tal-EPOS ERIC għandu jsir b'tali mod li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-ħtiġijiet, lir-rekwiżiti tekniċi u lill-ispeċifikazzjonijiet tal-EPOS ERIC maħruġa mill-korpi rilevanti.

16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1733

tal-14 ta' Novembru 2018

li tapprova, f'isem l-Unjoni Ewropea, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/735/UE tal-31 ta' Mejju 2012 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (2), (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”) ġie applikat proviżorjament mal-Perù mill-1 ta' Marzu 2013 (3) u mal-Kolombja mill-1 ta' Awwissu 2013 (4). L-Ekwador aderixxa għall-Ftehim permezz ta' Protokoll ta' Adeżjoni (5), li huwa applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Jannar 2017.

(2)

L-Artikolu 209 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim wara li tkun tlestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u wara li jkunu ġew eżaminati l-indikazzjonijiet ġeografiċi kif stabbiliti fl-Artikolu 208 tiegħu.

(3)

Il-Kolombja ressqet quddiem l-Unjoni talba biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u għall-eżami ta' disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja.

(4)

L-Artikolu 257(2) tal-Ftehim jipprevedi li s-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, stabbilit mill-Partijiet skont l-Artikolu 257(1) tal-Ftehim, għandu r-responsabblità li jivvaluta l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 209 tal-Ftehim u li jipproponi lill-Kumitat għall-Kummerċ, stabbiliti mill-Partijiet skont l-Artikolu 12(1) tal-Ftehim, il-modifika tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim.

(5)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali vvaluta l-informazzjoni b'rabta mad-disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan.

(6)

L-Artikolu 13(1)(d) tal-Ftehim jistipula li l-Kumitat tal-Kummerċ huwa responsabbli mill-evalwazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet previsti fil-Ftehim dwar kwalunkwe suġġett li jiġi riferut lilu mill-korpi speċjalizzati stabbiliti skont il-Ftehim.

(7)

Skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 12(4) kwalunkwe deċiżjoni għandha tiġi adottata mill-Parti tal-UE u l-pajjiż Andin firmatarju kkonċernat u għandu jkollha effett biss bejn dawk il-Partijiet. Il-kwistjoni taqa' taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(4) peress li tikkonċerna esklużivament ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Parti UE u l-Kolombja, u ġiet diskussa f'sessjoni bilaterali tas-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat u l-modifiki jenħtieġ li jiġu approvati f'isem l-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-modifiki tal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Kolombja, l-Ekwador u l-Perù, min-naħa l-oħra, stabbilita fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, huma b'dan approvati f'isem l-Unjoni Ewropea.

L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, hija mniżżla fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ huwa awtorizzat biex japprova d-deċiżjoni ta' dak il-Kumitat f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Wara li tiġi adottata, id-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 1.

(2)  Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3).

(3)  Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Perù, tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 56, 28.2.2013, p. 1).

(4)  Avviż rigward l-applikazzjoni proviżorja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2369 tal-11 ta' Novembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll tal-Adeżjoni mal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkonsiderazzjoni l-adeżjoni tal-Ekwador (ĠU L 356, 24.12.2016, p. 1).


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru […]/2018 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

ta' […] 2018

li timmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1)(d) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-11 ta' Frar 2014, il-Kolombja ressaq quddiem l-Unjoni talba biex jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda mal-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont l-Artikolu 209 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni u għall-eżami ta' disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja.

(2)

Fil-5 ta' Ottubru 2018, skont l-Artikolu 257(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, f'sessjoni bejn il-Parti UE u l-Kolombja, ivvaluta l-informazzjoni b'rabta mad-disa' indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda tal-Kolombja u ppropona lill-Kumitat għall-Kummerċ biex jimmodifika l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim skont dan.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim jiġi modifikat.

(4)

Id-deċiżjoni biex jiġi modifikat l-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim tista' tiġi adottata f'sessjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ bejn Il-Parti tal-Unjoni u l-Kolombja, skont l-Artikolu 14(3) tal-Ftehim Kummerċjali, billi tirrigwarda esklużivament ir-relazzjoni bilaterali ta' bejniethom u ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi ta' Pajjiż Andin firmatarju ieħor,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fit-tabella taħt il-punt (a) “Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-Kolombja għal prodotti agrikoli u tal-ikel, inbejjed, spirti u nbejjed aromatizzati” fl-Appendiċi 1 tal-Anness XIII tal-Ftehim, jiżdiedu l-entrati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kumitat għall-Kummerċ li huma awtorizzati jaġixxu f'isem il-Partijiet għall-finijiet tal-modifika tal-Ftehim. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data meta ssir l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Kolombja


ANNESS

Café de Nariño

Kafè

Café de Cauca

Kafè

Café del Huila

Kafè

Bizcocho de Achira del Huila

Ħobż, għaġina, kejkijiet, prodotti tal-ħelu, gallettini u prodotti oħrajn tal-furnara

Queso Paipa

Ġobon

Queso del Caquetá

Ġobon

Clavel de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali

Rosa de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali

Crisantemo de Colombia

Fjuri u pjanti ornamentali


16.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1734

tal-14 ta' Novembru 2018

li tagħti derogi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika ta' Ċipru fir-rigward tal-provvediment tal-istatistika skont ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2018) 7465)

(It-testi bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ispanjol u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1952 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-istatistika Ewropea tal-prezzijiet tal-gass naturali u tal-elettriku u li jħassar id-Direttiva 2008/92/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ġermanja, Spanja, l-Italja u Ċipru ppreżentaw talbiet lill-Kummissjoni biex jiksbu derogi fir-rigward tal-provvediment ta' data statistika speċifika dwar il-prezzijiet tal-gass naturali u l-elettriku.

(2)

L-informazzjoni/ir-raġunijiet mogħtija minn dawk l-Istati Membri jiġġustifikaw l-għoti tad-derogi.

(3)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-derogi li ġejjin qed jingħataw hawnhekk mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1952:

(1)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tingħata deroga mll-produzzjoni ta' data statistika għas-snin ta' referenza 2017 u 2018 għal:

 

il-punt 5(b) tal-Anness I relatat mad-data dwar il-prezzijiet għal-livell ta' konsum I6;

 

il-punt 6(a) tal-Anness I;

 

il-punt 4(b) tal-Anness II relatat mad-data dwar il-prezzijiet għal-livell ta' konsum IG;

 

il-punt 5(a) tal-Anness II relatat mas-subkomponenti tal-prezzijiet tan-netwerk u s-subkomponenti li jinkludu t-taxxi, t-tariffi, il-levies, u l-imposti.

(2)

Ir-Renju ta' Spanja għandu jingħata deroga mll-produzzjoni ta' data statistika għas-snin ta' referenza 2017 u 2018 għal:

 

il-punt 6(a) tal-Anness I relatat tal-komponenti u s-subkomponenti;

 

il-punt 7 tal-Anness I relatat mal-volumi tal-konsum annwali;

 

il-punt 5(a) u 5(b) tal-Anness II relatati mat-tliet komponenti ewlenin u mas-subkomponenti tal-prezzijiet tan-netwerk u mat-taxxi, it-tariffi, il-levies u l-imposti għall-prezzijiet tal-elettriku, u l-analiżi fi tliet partijiet ta' dawn il-prezzijiet tal-elettriku.

(3)

Ir-Repubblika Taljana għandha tingħata deroga mll-produzzjoni ta' data statistika għas-snin ta' referenza 2017 u 2018 għal:

 

il-punt 6(a) tal-Anness I relatat mas-subkomponenti tal-prezzijiet tan-netwerk u s-subkomponenti li jinkludu t-taxxi, t-tariffi, il-levies, u l-imposti.

 

il-punt 5(a) tal-Anness II relatat mas-subkomponenti tal-prezzijiet tan-netwerk u s-subkomponenti li jinkludu t-taxxi, t-tariffi, il-levies, u l-imposti.

(4)

Ir-Repubblika ta' Ċipru għandha tingħata deroga mll-produzzjoni ta' data statistika għas-sena ta' referenza 2017 għal:

il-punt 5(a) tal-Anness II relatat mas-subkomponenti tal-prezzijiet tan-netwerk u s-subkomponenti li jinkludu t-taxxi, t-tariffi, il-levies, u l-imposti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Renju ta' Spanja, lir-Repubblika Taljana u lir-Repubblika ta' Ċipru.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Marianne THYSSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 311, 17.11.2016, p. 1.