ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 283

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
12 ta' Novembru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1690 tad-9 ta' Novembru 2018 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b'wiċċ ġdid, ta' tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b'wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/163

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

12.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1690

tad-9 ta' Novembru 2018

li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tajers pnewmatiċi ġodda jew b'wiċċ ġdid, ta' tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet u b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1579 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorji impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b'wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/163

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 24 (1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-bidu

(1)

Fl-14 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) tat bidu għal investigazzjoni antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti tajers ġodda jew b'wiċċ ġdid tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, u b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Il-bidu kien ibbażat fuq l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (“in-Notifika ta' Bidu”) (2).

(2)

Il-Kummissjoni nediet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-30 ta' Awwissu 2017 mill-Koalizzjoni kontra l-importazzjonijiet żleali tat-tajers (“l-ilmentatur”) f'isem produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti tajers ġodda jew b'wiċċ ġdid tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, u b'indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 (“tajers TBR”). L-ilment kien fih evidenza ta' sussidjar u ta' dannu konsegwenti li kien biżżejjed sabiex jiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

(3)

Qabel il-bidu tal-investigazzjoni antisussidji, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) (3) li hija kienet irċeviet ilment iddokumentat kif suppost u stiednet lill-GTĊ għal konsultazzjonijiet f'konformità mal-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku. Saru konsultazzjonijiet fl-10 ta' Ottubru 2017, iżda ma setgħet tintlaħaq l-ebda soluzzjoni bi qbil reċiproku.

(4)

Fis-7 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġinaw fir-RPĊ (4) (“ir-Regolament antidumping proviżorju”) f'investigazzjoni li kienet tnediet fil-11 ta' Awwissu 2017 (5) (“l-investigazzjoni antidumping parallela”). Sat-22 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni imponiet dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-istess prodott li joriġina fir-RPĊ (6) (“ir-Regolament antidumping definittiv”) fl-investigazzjoni antidumping parallela. L-analiżi tad-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni mwettqa f'din l-investigazzjoni antisussidji u l-investigazzjoni antidumping parallela huma mutatis mutandis identiċi, peress li d-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-perjodu tal-investigazzjoni huma l-istess fiż-żewġ investigazzjonijiet. L-elementi kollha rilevanti li jappartjenu għal dawn l-aspetti tqiesu wkoll fl-investigazzjoni preżenti.

1.1.1.   Kummenti dwar il-bidu

(5)

Il-GTĊ sostna li l-investigazzjoni jenħtieġ li ma titnediex minħabba li l-ilment ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti evidenzjarji tal-Artikoli 11(2) u 11(3) tal-Ftehim tad-WTO dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji u tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Bażiku. Skont il-GTĊ, ma kienx hemm biżżejjed evidenza ta' sussidji kumpensabbli, ta' dannu u ta' rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu.

(6)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni. L-evidenza ppreżentata fl-ilment kienet tikkostitwixxi l-informazzjoni disponibbli b'mod raġonevoli għall-ilmentatur f'dak l-istadju. Kien biżżejjed li jintwera, fl-istadju tal-bidu, li l-allegati sussidji kienu kumpensabbli f'termini tal-eżistenza, l-ammont u n-natura tagħhom. L-ilment kien fih ukoll biżżejjed evidenza tal-eżistenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni, li kien ikkawżat mill-importazzjonijiet issussidjati.

(7)

Għall-kuntrarju ta' dak li ntqal mill-GTĊ, l-ilment ma kienx jiddependi biss fuq il-politika tal-industrija tat-tajers fl-2010, iżda kien fih ukoll (b'mod partikolari fil-punti 81 sa 92), għadd ta' dokumenti ta' politika, pjanijiet u katalogi oħrajn b'referenzi għall-industrija tat-tajers. Barra minn hekk, il-Kummissjoni (fejn xieraq) ibbażat ruħha fuq sorsi disponibbli oħrajn biex tikkonferma s-sussidjar allegat. Pereżempju, minħabba li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu għamlu determinazzjonijiet pubbliċi reċenti dwar uħud mill-miżuri, il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq dan il-materjal f'dan l-istadju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li kien utli li tinkludi referenza għal pjan ġdid ta' promozzjoni industrijali tal-provinċja ta' Hebei tat-2016, li kellha fil-fajl, iżda li ma kinitx imsemmija fl-ilment. Din l-evidenza addizzjonali, li hija disponibbli fil-fajl mhux kunfidenzjali tal-każ bħala parti mill-memorandum dwar is-suffiċjenza tal-evidenza, ikkonfermat u kkomplementat aktar l-allegazzjonijiet li saru fl-ilment fir-rigward tal-eżistenza u n-natura tas-sussidjar allegat. Sa fejn il-GTĊ indika xi nuqqasijiet fir-rigward tal-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-ilment, il-Kummissjoni eżaminat dawn l-allegazzjonijiet matul l-investigazzjoni, u ma sabet ebda raġuni biex tiddubita l-allegazzjonijiet dwar l-eżistenza u l-firxa ta' sussidjar meta bdiet l-investigazzjoni.

(8)

Wara d-divulgazzjoni finali, Hämmerling iddikjarat li l-Kummissjoni ma tistax tibda investigazzjoni b'referenza ġenerali għall-kodiċi NM mogħtija biss għall-informazzjoni. Skont Hämmerling, minkejja li l-kodiċijiet NM ma jorbtux fl-interpretazzjoni tagħhom, referenza ġenerali bħal din li tiddefinixxi l-prodott ikkonċernat ma tistax tiġi aċċettata, għaliex iddgħajjef iċ-ċertezza legali tal-partijiet interessati kollha, rigward jekk humiex se jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni u tikkostitwixxi ksur dirett tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem “il-Karta”) u d-dritt għal amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, din ir-referenza u l-lingwaġġ mhux ċar b'referenza għal “tat-tip użat” twassal il-messaġġ li l-ambitu tal-investigazzjoni ma kienx ċert u seta' ġie estiż jew imnaqqas ulterjorment b'mod diskrezzjonarju fl-istadju aktar tard tal-investigazzjoni, u dan ifixkel id-dritt tas-smigħ tal-partijiet interessati.

(9)

Fir-rigward ta' din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-parti ma ssostanzjatx il-pretensjoni teoretika tagħha dwar kif l-użu tal-kodiċijiet tan-NM jagħmel ħsara liċ-ċertezza legali. Il-Kummissjoni mhijiex marbuta mill-kodiċijiet NM iżda mid-definizzjoni tal-prodott kif iddikjarata fin-Notifika ta' Bidu. Il-parti ma għamlet l-ebda pretensjoni li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-definizzjoni tal-prodott kif iddikjarata fin-Notifika ta' Bidu. Għalhekk din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

1.2.   Reġistrazzjoni ta' importazzjonijiet

(10)

L-ilmentatur ressaq talbiet għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament antidumping bażiku u l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku fid-19 ta' Awwissu 2017 u fil-5 ta' Ottubru 2017 rispettivament.

(11)

Fl-4 ta' Ottubru 2017, l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Industrija tal-Lastiku taċ-Ċina (China Rubber Industry Association, CRIA) u l-Kamra tal-Kummerċ tal-esportaturi u l-importaturi tal-Metalli, il-Minerali u l-Kimiki (China Chamber of Commerce of Metals, Minerals & Chemicals Importers & Exporters, CCCMC) issottomettiet kummenti dwar it-talba għar-reġistrazzjoni. Huma sostnew li t-talba naqset milli tissodisfa l-istandard evidenzjarju applikabbli billi ma kienx hemm evidenza ta' storja ta' dumping/sussidju, żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet u li l-importazzjonijiet x'aktarx jimminaw serjament l-effetti rimedjali tad-dazju. Fid-19 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni ospitat seduta ta' smigħ wara talba ta' CRIA, fejn din tenniet il-kummenti li kienet għamlet qabel.

(12)

Fit-2 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/163 (ir-“Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”) (7) li bih għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ suġġett għar-reġistrazzjoni mill-3 ta' Frar 2018 'il quddiem. Il-Kummissjoni qieset il-kummenti mill-partijiet interessati meta kienet qed tivvaluta l-validità tat-talba għar-reġistrazzjoni.

(13)

Wara li r-reġistrazzjoni daħlet fis-seħħ, Hankook Group (8) sostna li d-drittijiet tad-difiża tiegħu kienu vjolati peress li l-ebda informazzjoni rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għal reġistrazzjoni ma ġiet ikkomunikata lilu qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta' reġistrazzjoni. Għal din ir-raġuni l-Hankook Group sostna li l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea nkiser.

(14)

Il-Kummissjoni osservat li l-infurmar minn qabel huwa obbligatorju skont l-Artikolu 30(2) tar-Regolament bażiku qabel l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi. L-istess ma japplikax għal Regolament dwar ir-reġistrazzjoni, skont l-Artikolu 24(5) tar-Regolament bażiku. Dan l-Artikolu jipprevedi biss informazzjoni minn qabel lill-Istati Membri fi żmien debitu. Barra minn hekk, id-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea japplika biss għal miżuri avversi individwali. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni biex jirreġistraw l-importazzjonijiet. Ir-Regolament ta' reġistrazzjoni mhuwiex miżura individwali li tolqot lil Hankook Group b'mod negattiv. Dan la kien indirizzat lill-Hankook Group u lanqas ma pproduċa effetti negattivi individwali għal dan il-grupp. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet hija pass xieraq sabiex tippermetti l-impożizzjoni sussegwenti ta' dazji kontra importazzjonijiet reġistrati u tinforma kif xieraq lill-operaturi dwar l-obbligazzjoni potenzjali marbuta ma' dawk l-importazzjonijiet li tista' tiġġarrab f'każ ta' miżuri definittivi. Għalhekk, la d-drittijiet tad-difiża tal-Hankook Group u lanqas l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ma nkisru permezz tan-nuqqas li jiġi infurmat il-Hankook Group qabel id-deċiżjoni tar-reġistrazzjoni.

1.3.   Perjodu ta' investigazzjoni u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(15)

L-investigazzjoni tas-sussidjar u tad-dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017 (“il-perjodu ta' investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sa tmiem Ġunju 2017 (“il-perjodu kkunsidrat”).

1.4.   Partijiet interessati

(16)

Fl-Avviż ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat speċifikament lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-GTĊ, lill-importaturi, il-fornituri u l-utenti magħrufa, lin-negozjanti, kif ukoll lil assoċjazzjonijiet magħrufa li huma mħassba dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jieħdu sehem.

(17)

Il-partijiet interessati kellhom opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjonijiet u jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(18)

Żewġ produtturi tal-Unjoni, irrappreżentati mill-ilmentatur, ħadu din l-opportunità biex jitolbu lill-Kummissjoni li isimhom jinżamm kunfidenzjali għaliex beżgħu li jistgħu jiffaċċjaw ritaljazzjoni mill-klijenti jew mill-kompetituri kkonċernati minn din l-investigazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, sussegwentement żewġ produtturi tal-Unjoni oħra li kkooperaw talbu l-istess status.

(19)

Il-Kummissjoni eżaminat il-mertu ta' kull talba għall-kunfidenzjalità. Hija stabbilixxiet li kien hemm tabilħaqq evidenza ta' possibbiltà sinifikanti ta' ritaljazzjoni f'kull każ, u aċċettat li l-ismijiet ta' dawn il-kumpaniji jenħtieġ li ma jiġux divulgati.

(20)

Żewġ produtturi esportaturi, il-Giti Group (9) u ċ-China National Tire Group (10), sostnew li l-anonimità ta' żewġ produtturi tal-Unjoni rrappreżentati mill-ilmentatur jistgħu jaffettwaw serjament d-dritt għad-difiża tal-partijiet billi mhuwiex possibbli li jiġi vverifikat li l-ilmentatur effettivament jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-anonimità ma tippermettix lill-partijiet interessati li jkunu jafu f'liema livell (11) l-ilmentatur hu attiv u b'hekk, biex jikkummentaw dwar id-dannu materjali li jista' jġarrab minħabba l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, il-Giti Group sostna li, skont l-ilmentatur il-produzzjoni tal-Unjoni fil-Livell 3 kienet tirrappreżenta biss 16 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Giti Group u ċ-China National Tire Group argumentaw li l-kunfidenzjalità tostakola lill-partijiet interessati milli jkunu jafu jekk il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun humiex relatati ma' produtturi esportaturi Ċiniżi.

(21)

Fid-dawl ta' dawn il-kummenti, il-Kummissjoni vvalutat mill-ġdid il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment iżda waslet għall-konklużjoni li l-verżjoni disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati ppermettiet biżżejjed lill-partijiet interessati biex jivvalutaw ir-rekwiżiti permanenti li fuqhom hija bbażata din l-investigazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnutat li jekk l-ilmentatur jagħmilx parti minn livell ta' suq partikolari mhuwiex determinanti għas-sejba ta' pożizzjoni billi l-pożizzjoni hija vvalutata fuq il-bażi tal-produzzjoni totali (irrispettivament minn kull segmentazzjoni ta' saff) tal-prodott ikkonċernat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni osservat li ma kienx hemm biżżejjed evidenza jew spjegazzjoni pprovduta dwar kif in-nuqqas ta' għarfien ta' rabtiet potenzjali bejn l-ilmentaturi anonimi u l-produtturi esportaturi Ċiniżi jimpedixxu d-drittijiet ta' difiża tal-partijiet interessati. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jipprovdu dawn l-evidenza jew spjegazzjonijiet, iżda ma ngħatat l-ebda evidenza oħra. Għalhekk, it-talbiet li tressqu biex ma tingħatax il-konfidenzjalità ġew irrifjutati.

(22)

L-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku jistipula li l-Kummissjoni ma tista' tiddivulga l-ebda informazzjoni li titqies li hija ta' natura kunfidenzjali meta tintwera kawża tajba mingħajr permess speċifiku mingħand il-fornitur ta' din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni qieset li l-verżjoni miftuħa tal-ilment ippermetta li l-partijiet interessati li jivvalutaw ir-rekwiżiti permanenti. Barra minn hekk, jekk l-ilmentatur jagħmilx parti minn livell ta' suq partikolari huwa irrilevanti peress li l-pożizzjoni tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-produzzjoni totali (irrispettivament minn kwalunkwe segmentazzjoni ta' saffi). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kinitx konvinta mill-argument li n-nuqqas ta' għarfien ta' rabtiet potenzjali bejn l-ilmentaturi anonimi u l-produtturi esportaturi Ċiniżi jimpedixxi d-drittijiet ta' difiża tal-partijiet interessati. Għalhekk, it-talbiet li tressqu biex ma tingħatax il-konfidenzjalità ġew irrifjutati.

1.5.   Il-kampjunar

(23)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista' tieħu kampjuni mill-partijiet interessati skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

1.5.1.   Produtturi tal-Unjoni

(24)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet għażlet b'mod preliminari kampjun ta' produtturi tal-Unjoni fuq il-bażi tal-ogħla volumi rappreżentattivi tal-produzzjoni u tal-bejgħ filwaqt li żgurat firxa ġeografika. Hija stiednet lill-partijiet interessati biex jagħtu l-kummenti tagħhom dwar dan il-kampjun proviżorju.

(25)

Erba' partijiet interessati ssottomettew kummenti dwar il-kampjun proviżorju (iċ-China National Tire Group; il-Giti Group; is-CRIA u s-CCCMC). B'mod partikolari, huma qiesu li s-segmentazzjoni tas-suq fi tliet livelli ma kinitx riflessa debitament fil-kampjun proviżorju, u li l-kampjun jenħtieġ li jirrifletti kemm jista' jkun il-perċentwal tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-livell 1, il-livell 2 u l-livell 3 mill-produzzjoni u l-bejgħ totali tal-Unjoni.

(26)

B'żieda ma' dan il-kumment, fil-25 ta' Settembru 2017 il-Kummissjoni talbet lill-produtturi tal-Unjoni biex jipprovdu informazzjoni addizjonali dwar il-livelli, bil-ħsieb li tistabbilixxi kampjun rivedut tal-produtturi tal-Unjoni.

(27)

Il-produtturi tal-Unjoni li kkoperaw li rrispondew għall-kwestjonarju tal-kampjun jinkludu Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju (“SMEs”) (12) kif ukoll oħrajn kbar, u jirrappreżentaw aktar minn 50 % tat-total stmat tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Unjoni.

(28)

Sabiex ikun stabbilit kampjun definittiv, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-frammentazzjoni tas-settur tat-tajers fost il-livelli differenti, filwaqt li żgurat li t-tliet livelli kollha ġew koperti mill-kumpaniji fil-kampjun. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-SMEs kienet ġiet riflessa b'mod xieraq fl-analiżi tad-dannu, peress li dawn jirrappreżentaw madwar 15 % tal-volumi totali fl-Unjoni tal-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-SMEs jenħtieġ li jiġu rappreżentati wkoll fil-kampjun.

(29)

Ħdax-il produttur tal-Unjoni kienu inklużi fil-kampjun fuq il-bażi ta':

ir-rappreżentattività kumplessiva f'termini tad-daqs tal-volum ta' produzzjoni u bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-sena 2016;

ir-rappreżentattività tal-livelli f'termini tad-daqs tal-volum ta' produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fis-sena 2016;

il-firxa ġeografika; kif ukoll;

ir-rappreżentattività tal-produtturi tal-Unjoni f'termini ta' daqs, jiġifieri bejn l-SMEs u kumpaniji akbar.

(30)

Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun jinkludu kemm il-kumpaniji l-kbar kif ukoll l-SMEs. Il-produtturi tal-Unjoni magħżula kienu bbażati f'sitt Stati Membri li flimkien kienu jirrappreżentaw aktar minn 36 % tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Unjoni rrapportati mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw.

(31)

Fit-22 ta' Diċembru 2017, wieħed mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, il-produttur Pollakk Geyer & Hosaja, informa lill-Kummissjoni li kien iddeċieda li ma jibqax jikkoopera mal-investigazzjoni. Il-perċentwali msemmija fil-premessa (30) hawn fuq mhumiex affettwati mill-irtirar ta' dan il-produttur minħabba li l-produzzjoni tiegħu tirrappreżenta inqas minn 0,1 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kampjun finali għadu rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

(32)

Fl-aħħar nett, il-Giti Group afferma li l-Kummissjoni missha temmet din l-investigazzjoni immedjatament minħabba li fil-livell proċedurali l-preselezzjoni tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni saret b'mod żbaljat. Il-Kummissjoni fakkret li s-selezzjoni proviżjorja ta' kampjun ta' produtturi tal-Unjoni hija legalment possibbli u twassal għal investigazzjoni effettiva bi skadenzi qosra. Kif intwera fil-premessi (26) sa (30), il-kampjun provviżorju nbidel wara kummenti minn partijiet interessati. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

1.5.2.   Importaturi

(33)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil xi importaturi li mhumiex relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Ippreżentaw ruħhom ħames importaturi li jimpurtaw madwar 430 000 unità mir-RPĊ. Ġew inklużi fil-kampjun żewġ kumpaniji li jammontaw għal [70 % - 90 %] tal-importaturi li ppreżentaw formola tal-kampjunar.

1.5.3.   Produtturi esportaturi

(34)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, hija talbet lill-awtoritajiet tar-RPĊ sabiex jidentifikaw u/jew jikkuntattjaw produtturi esportaturi oħrajn, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jieħdu sehem fl-investigazzjoni.

(35)

Erba' u erbgħin produttur esportatur/grupp ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. F'konformità mal-Artikolu 27(1)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet il-kampjun li ġej ta' erba' gruppi ta' produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli:

China National Tire Group, iċ-Ċina;

Giti Group, iċ-Ċina;

Hankook Group, iċ-Ċina;

Xingyuan Group, iċ-Ċina.

(36)

Il-gruppi ta' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni.

(37)

F'konformità mal-Artikolu 27(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi kollha magħrufa kkonċernati, kif ukoll il-GTĊ, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun.

(38)

Kummenti dwar il-kampjun propost ġew riċevuti mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produzzjoni ta' Wċuħ Ġodda (il-European Retreading Association, “BIPAVER”), li stqarret li l-kampjun li ntgħażel fl-aħħar seta' jwassal għal żbilanċ qawwi fit-taħlita tal-prodotti bejn it-tajers tal-livell 2 u dawk tal-livell 3. Fil-fehma tagħhom, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni setgħu ma jirriflettux preċiżament il-parti mill-volumi ta' importazzjoni li huma l-aktar dannużi għall-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, huma ħeġġew lill-Kummissjoni biex tirrivaluta u temenda l-kampjun.

(39)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk kienx ikun prattikament fattibbli li l-kampjun jikber aktar. Hija fakkret li l-gruppi tal-produtturi esportaturi magħżula fil-kampjun kienu jikkonsistu minn: (1) tlettax (13)-il entità legali li kienu involuti fil-produzzjoni u fil-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat; (2) żewġ esportaturi relatati li jinsabu barra mill-Unjoni; u (3) aktar minn 10 importaturi relatati li jinsabu fl-Unjoni. Id-data pprovduta minn kull waħda minn dawn l-entitajiet kellha tiġi pproċessata u vverifikata. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li aktar prodotturi esportaturi ma setgħux raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

(40)

BIPAVER ikkunsidrat ukoll li tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun ma kinux riċevituri rappreżentattivi ta' sussidji kumpensatorji għax għandhom il-kwartieri ġenerali u xi faċilitajiet ta' produzzjoni tagħhom barra r-RPĊ.

(41)

Il-Kummissjoni nnutat li l-fatt li kumpanija individwali tista' ma tkunx irċeviet direttament tip speċifiku ta' sussidju allegat ma rrendiex il-kampjun f'wieħed mhux rappreżentattiv, minħabba li l-għan tal-kampjun kien li jirrappreżenta l-industrija globali tat-tajers fir-RPĊ fir-rigward tal-eliġibbiltà għat-tipi kollha ta' allegati sussidji. L-erba' gruppi ta' produtturi esportaturi fil-kampjun kienu rappreżentattivi f'termini ta' eliġibbiltà għas-sussidji allegati fl-ilment. B'hekk, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-kampjun magħżul jirrappreżenta bażi xierqa għall-eżaminazzjoni tal-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar.

(42)

B'hekk, il-kampjun propost huwa konformi mal-Artikolu 27(1)(b) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżomm il-kampjun propost bħala l-kampjun finali.

(43)

Apparti l-erba' produtturi esportaturi fil-kampjun, sitt produtturi esportaturi ddikjaraw li, f'każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiequ jirċievu kwestjonarju u formoli oħra ta' talba sabiex jitolbu eżami individwali skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku. Kif mitlub, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil dawn is-sitt produtturi esportaturi. Madankollu, l-ebda wieħed minnhom ma wieġeb għall-kwestjonarji.

1.6.   Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta' verifika

(44)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-erba' produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun; il-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun kif ukoll il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

(45)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand l-erba' produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun u mingħand 10 produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. L-ebda produttur esportatur mhux fil-kampjun ma bagħat tweġiba għall-kwestjonarju.

(46)

Intbagħat kwestjonarju lill-GTĊ. Huwa inkluda kwestjonarji speċifiċi għaċ-China Development Bank (“CDB”), l-Export Import Bank of China (“EXIM”), l-Agricultural Bank of China (“ABC”), il-Bank of China (“BOC”), u l-Export Chinese Credit Insurance Credit Corporation (“Sinosure”). Dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji kienet saret referenza għalihom speċifikament fl-ilment bħala korpi pubbliċi jew korpi li ngħataw id-direzzjoni u ġew fdati sabiex jagħtu s-sussidji. Barra minn hekk, il-GTĊ intalab jibgħat il-kwestjonarju speċifiku għall-istituzzjonijiet finanzjarji lil kull istituzzjoni finanzjarja oħra li pprovdiet self jew krediti tal-esportazzjoni lill-kumpaniji fil-kampjun, jew lix-xerrejja tal-kumpaniji fil-kampjun. Il-GTĊ intalab ukoll li jiġbor xi tweġibiet mogħtija minn dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji u li jibgħathom direttament lill-Kummissjoni.

(47)

Barra minn hekk, il-kwestjonarju għall-GTĊ inkluda kwestjonarji speċifiċi għal dawk il-produtturi ta' lastiku naturali, lastiku sintetiku, iswed tal-karbonju u korda tan-najlon li, skont l-ilment, ipprovdew inputs għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata lill-kumpaniji fil-kampjun, jiġifieri Sinopec, Sinopec Baling Co., Chemchina, Shandong Haohua, Jiangxi Blackcat Carbon Black Co., Ltd, Hangzhou Zhongce Qingquan Industrial Co., Ltd u Suqian Junma Tyre Cord Company Limited. Barra minn hekk, il-GTĊ intalab jibgħat dak il-kwestjonarju speċifiku lill-produtturi u d-distributuri kollha l-oħra tal-materja prima inkwistjoni li kienu pprovdew materjal lill-kumpaniji fil-kampjun. Il-GTĊ kien mitlub ukoll li jiġbor it-tweġibiet ipprovduta minn dawn il-produtturi u li jibgħathom direttament lill-Kummissjoni.

(48)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand il-GTĊ, li kienu jinkludu tweġibiet għall-kwestjonarju speċifiku mingħand l-EXIM, BOC, ABC u Sinosure.

(49)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għad-determinazzjoni ta' sussidju, ta' dannu u ta' interess tal-Unjoni. Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-Ministeru Ċiniż tal-Kummerċ, li matulha pparteċipaw ukoll uffiċjali minn ministeri rilevanti oħrajn. Barra minn hekk, matul din iż-żjara ta' verifika kien hemm preżenti rappreżentanti mill-istituzzjonijiet finanzjarji li ġejjin;

l-Export Import Bank of China, Beijing, iċ-Ċina;

l-Agricultural Bank of China, Beijing, iċ-Ċina;

il-Bank Of China, Beijing, iċ-Ċina.

Sinosure, Beijing, iċ-Ċina.

(50)

Barra minn hekk, saru żjarat ta' verifika skont l-Artikolu 26 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

 

Produtturi tal-Unjoni fil-kampjun

Good Year Firma Oponiarska, il-Polonja;

Wetest, ir-Repubblika Ċeka;

B.R.P. Pneumatici, l-Italja;

Banden plant, in-Netherlands;

Marangoni SpA Ltd, l-Italja;

Roline N.V., in-Netherlands;

erba' produtturi tal-Unjoni li talbu kunfidenzjalità.

 

Importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun fl-Unjoni

Heuver Bandengroothandel B.V, il-Pajjiżi l-Baxxi;

Hämmerling The Tyre Company GmbH, il-Ġermanja.

 

Produtturi fir-RPĊ inklużi fil-kampjun

 

China National Tire Group, iċ-Ċina;

Aeolus Tyre Co. Ltd., Jiaozuo, ir-RPĊ;

Beijing Rubber Research and Design Institute, Beijing, ir-RPĊ;

Chemchina Corporation, Beijing, ir-RPĊ;

Chemchina Finance, Beijing, ir-RPĊ;

China National Tire & Rubber Co. Ltd., Beijing, ir-RPĊ;

Aeolus Tyre (Taiyuan) Co., Ltd (13)., Taiyuan, ir-RPĊ;

Chonche Auto Repair Group Co. Ltd., Beijing, ir-RPĊ;

Henan Tyre Group Co. Ltd, Jiaozuo, PRC;

Yanzhou Ruiyuan Rubber Plastic Co. Ltd.:, Jining, ir-RPĊ;

Yinhe Power Plant Co. Ltd., Jining, ir-RPĊ;

QingdaoYellow Sea (Rubber) Group Co. Ltd., Qingdao, ir-RPĊ;

Qingdao Yellow Sea Rubber Co. Ltd., Qingdao, ir-RPĊ;

Pirelli Tyre Co. Ltd., Jining, ir-RPĊ (14).

 

Il-Giti Group:

Giti Tire (China) Investment Co., Shanghai, ir-RPĊ;

Giti Tire (Anhui) Co. Ltd., Hefi, PRC;

GITI Radial Tire (Anhui) Ltd., Hefei, ir-RPĊ;

Anhui Prime Cord Fabrics Company Ltd., Hefei, ir-RPĊ;

Giti Tire (Hualin) Co. Ltd., Hualin, ir-RPĊ;

Giti Tire (Fujian) Co. Ltd., Fujian, ir-RPĊ;

GITI Tire (Yinchuan) Co. Ltd., Yinchuan, ir-RPĊ;

GITI Greatwall Tire (Yinchuan) Co. Ltd., Yinchuan, ir-RPĊ;

GITI Tyre (Chongqing) Company Ltd., Chongqing, ir-RPĊ;

GITI Steel Cord (Hubei) Company Ltd., Hubei, ir-RPĊ;

3S Engineering Shanghai Company Ltd., Shanghai, ir-RPĊ;

Seyen Machinery (Shanghai) Company Ltd., Shanghai, ir-RPĊ.

 

Il-Hankook Group:

Shanghai Hankook Tire Sales Co. Ltd., Shanghai, ir-RPĊ;

Chongqing Hankook Tire Co. Ltd., Chongqing, ir-RPĊ;

Jiangsu Hankook Tire Co. Ltd., Jiangsu, ir-RPĊ;

 

Ix-Xingyuan Group:

Xingyuan Tyre Co. Ltd., Dongying, ir-RPĊ;

Guangrao Xinhongyuan Tyre Co. Ltd., Dongying, ir-RPĊ;

Xingyuan International Tyre Co. Ltd., Dongying, ir-RPĊ;

Guangda Tyre Co Ltd., Dongying, ir-RPĊ.

1.7.   L-ebda impożizzjoni ta' miżuri proviżorji u proċedura sussegwenti

(51)

Minħabba li kienet imponiet miżuri proviżorji fil-każ parallel ta' anti-dumping f'Mejju 2018, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma timponix miżuri proviżorji fil-każ preżenti. Fit-13 ta' Lulju 2018, il-partijiet interessati kollha rċevew Dokument ta' Informazzjoni li jiddeskrivi s-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni dwar l-allegati skemi ta' sussidju u l-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, kif stabbilit fir-Regolament antidumping provviżorju.

(52)

Bosta partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub dwar id-dokument ta' informazzjoni. Dawk il-partijiet li għamlu talba, ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

(53)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, Pirelli Tyre Co. Ltd. affermat li jenħtieġ li ma titqiesx bħala kumpanija relatata ta' China National Tire & Rubber Co. Ltd. (“CNRC”). F'dan is-sens, Pirelli Tyre Co. Ltd. ma qablitx mal-applikazzjoni tal-Artikolu 127 tal-Att ta' Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali (UE) 2015/2447 (il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”) għall-fini tal-kalkolu ta' ammont medju ponderat ta' sussidjar għall-kumpaniji relatati. Minflok, Pirelli Tyre Co. Ltd. irreferiet għad-definizzjoni tal-Artikolu 16 tal-Ftehim tal-ASCM, li jirrikjedi l-kontroll ta' kumpanija waħda fuq oħra, sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-kumpaniji. Pirelli Tyre Co. Ltd. imbagħad argumentat li Pirelli Tyre Co. Ltd. ma kenitx tikkwalifika bħala kumpanija relatata skont dan l-istandard, billi hija allegatament ma kenitx ikkontrollata mis-CNRC. Barra minn hekk, Pirelli Tyre Co. Ltd. innutat li r-Regolament bażiku ma kien jagħmel l-ebda referenza għall-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

(54)

Il-Kummissjoni fakkret li l-Artikolu 16 tal-Ftehim ASCM huwa rifless fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament bażiku. Madankollu, iż-żewġ Artikoli jirreferu biss għad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u għar-relazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni mal-produtturi esportaturi. F'dak il-kuntest, produttur tal-Unjoni jista' jitneħħa mid-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni jekk ikun ikkontrollat minn produttur esportatur. B'kuntrast, kemm il-Ftehim tal-ASCM kif ukoll ir-Regolament bażiku ma jgħidu xejn dwar il-metodu ta' kif tiġi evalwata r-relazzjoni bejn il-produtturi esportaturi bil-għan li jiġi stabbilit l-ammont ta' sussidju. Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri jkunu jistgħu jiġu infurzati b'mod effettiv, b'mod partikolari biex jiġi evitat li l-esportazzjonijiet jitwasslu permezz ta' kumpanija relatata bl-anqas dazju, hija l-prattika tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-relazzjoni bejn il-produtturi esportaturi permezz tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 127 tal-Att ta' Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015. Dan ġie kkomunikat b'mod ċar lill-partijiet kollha fin-Notifika ta' bidu fil-bidu tal-proċediment. Barra minn hekk, ir-referenza għall-Artikolu 127 tal-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tinsab espliċitament fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku dwar l-Antidumping (15) u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-istess trattament ta' partijiet kemm f'każijiet antidumping kif ukoll f' każijiet antisussidji (16).

(55)

L-Artikolu 127(d) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi li żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: parti terza tkun tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-istokk jew l-ishma li jivvutaw jew tat-tnejn. CNRC hija l-akbar azzjonist ta' Pirelli Tyre Co. Ltd. Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, hija kellha 65 % tal-ishma. Sal-lum, għad għandha 46 % tal-ishma. Għalhekk, fil-kuntest ta' din l-investigazzjoni, Pirelli Tyre Co. Ltd. u s-CNRC jitqiesu li huma relatati. Għalhekk id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(56)

Pirelli Tyre Co. Ltd. ikkumentat ukoll li jenħtieġ li titqies biss bħala parti li kkooperat, u mhux bħala produttur esportatur, peress li l-kumpanija waqqfet il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat f'Novembru 2017.

(57)

Il-Kummissjoni stabbiliet li Pirelli Tyre Co. Ltd. kienet produttur esportatur matul il-perjodu kollu ta' investigazzjoni. Il-fatt li sussegwentement il-kumpanija waqqfet il-produzzjoni ma jbiddilx ir-riżultat tal-investigazzjoni. L-istqarrija kienet għalhekk irrifjutata.

(58)

Wara d-divulgazzjoni finali Pirelli tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li hi tiffunzjona b'mod indipendenti miċ-China National Tire Group. Madankollu, l-ebda waħda mill-pretensjonijiet ma kienet sostanzjata b'evidenza addizzjonali. B'mod partikolari, Pirelli ma kkontestax l-istruttura tas-sjieda deskritta mill-Kummissjoni fl-Anness 2 tad-divulgazzjoni finali tagħha. Għalhekk il-Kummissjoni rrifjutat din il-pretensjoni.

(59)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konklużjonijiet definittivi tagħha.

(60)

Minħabba li l-perjodu ta' dannu u l-perjodu ta' investigazzjoni huma l-istess bħal fl-investigazzjoni antidumping parallela, fl-1 ta' Ġunju 2018 il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li l-informazzjoni u l-kummenti sottomessi dwar id-dannu fil-qafas tal-investigazzjoni antidumping kienu se jitqiesu wkoll għal din l-investigazzjoni. L-ebda waħda mill-partijiet ma opponiet dan l-approċċ.

(61)

Fl-24 ta' Lulju 2018, il-partijiet tal-investigazzjoni antidumping parallela rċevew id-divulgazzjoni finali tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Barra minn hekk il-partijiet interessati rċevew divulgazzjoni addizzjonali fl-10 ta' Settembru 2018. Kif deskritt fil-premessa (60) hawn fuq, il-kummenti ppreżentati fil-qafas ta' din id-divulgazzjoni kienu, sa fejn kienu jikkonċernaw id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni meqjusa b'mod sħiħ f'din l-investigazzjoni u, fejn xieraq, ġew ikkunsidrati u riflessi fis-sejbiet ta' din l-investigazzjoni.

1.8.   Id-divulgazzjoni finali

(62)

Fit-28 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni.

(63)

Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jagħmlu kummenti dwar id-divulgazzjoni finali (jiġifieri t-8 ta' Ottubru 2018). Diversi partijiet interessati talbu għal estensjoni tad-data ta' skadenza. Il-Kummissjoni tat sal-10 ta' Ottubru 2018 10AM għas-sottomissjoni ta' kummenti lil dawk il-partijiet.

(64)

Is-CCCMC, is-CRIA, tlieta mill-erba' produtturi esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, żewġ importaturi mhux relatati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub li kkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(65)

Wara d-divulgazzjoni finali, iċ-China National Tyre Group iddikjara li d-drittijiet tiegħu ta' difiża ġew miksura mill-Kummissjoni meta ċaħdet it-talba tiegħu għal estensjoni ulterjuri tal-iskadenza pprovduta għas-sottomissjoni ta' kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Skont dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tħarisx lejn il-perjodu ta' 10 ijiem bħala limitu ta' żmien fiss. Barra minn hekk, meta tistabbilixxi l-iskadenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra l-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni u tippermetti biżżejjed żmien kemm għas-sottomissjonijiet orali kif ukoll għal dawk orali. Fir-rigward ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni nnutat li kienet ikkonformat b'mod sħiħ mal-iskadenza minima ta' 10 ijiem stipulata fl-Artikolu 30(5) tar-Regolament bażiku għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali. Barra minn hekk, hija tat ukoll estensjoni lill-partijiet interessati kollha fil-proċedura li talbu dan, u b'hekk ġiet ikkunsidrata l-urġenza tal-kwistjoni skont l-istess Artikolu.

(66)

Hämmerling talbet seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta biex tqajjem tħassib legali relatat mal-investigazzjoni attwali u ma' ċerti kwistjonijiet orizzontali dwar il-protezzjoni tad-data ta' informazzjoni kunfidenzjali u mhux kunfidenzjali kif inkluż fil-bażi tad-data tat-TRDI u l-prattika attwali tal-għoti ta' aċċess għall-fajls mhux kunfidenzjali għall-partijiet interessati barra t-territorju tal-Unjoni permezz ta' dik il-bażi tad-data.

(67)

Il-Kummissjoni osservat li l-istituzzjonijiet tal-UE mhumiex legalment marbuta mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (17) iżda bir-Regolament 45/2001 (18). Barra minn hekk, Hämmerling ikkonfermat li l-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data personali ma kinitx marbuta direttament ma' tfixkil speċifiku possibbli tad-drittijiet ta' difiża tagħha skont il-liġi tad-difiża tal-kummerċ. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li l-istatus ta' Hämmerling bħala parti interessata fil-proċediment u d-drittijiet ta' difiża tiegħu ma kinux direttament affettwati.

(68)

Wara d-divulgazzjoni finali, Hämmerling tenniet l-affermazzjoni tagħha li “id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali huwa dritt indipendenti, fejn il-livell limitu għall-ksur tiegħu ma jirrikjedix eżempju reali, iżda s-sempliċi possibbiltà ta' użu ħażin b'mod mhux xieraq, bħal pereżempju li jkun disponibbli għal utenti mhux ivverifikati tal-bażi tad-data f'pajjiżi terzi mingħajr valutazzjoni adegwata tal-osservanza tagħhom tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data”.

(69)

B'rabta ma' din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet għall-Artikolu 9(6) tar-Regolament 45/2001 li jippermetti lill-Kummissjoni li tittrasferixxi data personali jekk it-trasferiment ikun meħtieġ jew legalment meħtieġ għad-difiża ta' pretensjonijiet legali, u l-fatt li s-suġġetti tad-data kollha jkollhom jiffirmaw it-termini tal-użu (li jistipula, fost l-oħrajn, li ma jista' jkun hemm l-ebda ħruġ mhux awtorizzat ta' kwalunkwe informazzjoni minn TRON) meta jidħlu fi TRON għall-ewwel darba meta jingħataw l-aċċess ta' parti interessata għall-każ. Għalhekk qieset li l-użu ta' TRON huwa konformi mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

(70)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Giti Group talab seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta u ddikjara li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew miksura mill-Kummissjoni peress li din inkludiet l-iskema ta' rifużjoni tad-dazju tard ħafna fil-proċediment u waslet għal konklużjonijiet żbaljati. L-uffiċjal tas-Seduta kien tal-fehma li n-Notifika ta' Bidu ppermettiet li tiġi koperta l-iskema li qed tiġi diskussa. Barra minn hekk, il-Giti Group kellu jkun konxju li din l-iskema hija koperta mill-proċedura u kellu żmien biżżejjed biex jippreżenta l-kummenti kollha tiegħu lill-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta kkonkluda li d-drittijiet tad-difiża tal-Giti Group kienu ġew rispettati.

(71)

Diversi partijiet interessati oħra tennew l-istess tħassib kif espress wara d-dokument ta' informazzjoni u talbu lill-Kummissjoni tagħmel aktar kjarifiki.

(72)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fajl miftuħ, id-Dokument ta' Informazzjoni u d-divulgazzjoni finali kien fihom biżżejjed informazzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati kollha jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom ta' difiża. Barra minn hekk, fil-fajl (19) miftuħ kien hemm inkluża nota għall-fajl li tipprovdi kjarifiki dwar id-Dokument ta' Informazzjoni qabel id-divulgazzjoni finali. Għalhekk, hija ċaħdet it-talba li tipprovdi aktar kjarifiki.

(73)

Fl-aħħar nett, il-partijiet sostnew li d-drittijiet tagħhom ta' difiża kienu serjament affettwati peress li l-perjodu għall-kummenti fuq id-divulgazzjoni finali kien qasir wisq anki bl-estensjoni u ma kkunsidrax il-pekuljaritajiet ta' din l-investigazzjoni.

(74)

Rigward l-iskadenza stabbilita, il-Kummissjoni tenniet li kienet ikkonformat mal-iskadenza legali skont l-Artikolu 30(5) tar-Regolament bażiku, kif spjegat aktar fil-premessa (65) hawn fuq. Żiedet li l-partijiet kienu rċevew divulgazzjoni estensiva permezz tad-Dokument ta' Informazzjoni f'Lulju 2018 li diġà stabbilixxa l-kunsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet ewlenin għas-sussidji kollha bl-eċċezzjoni tar-remissjoni eċċessiva ta' lastiku naturali u l-forniment ta' elettriku għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. F'dak l-istadju, il-partijiet ingħataw skadenza ta' 25 jum biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Peress li ħafna mill-kwistjonijiet kienu għalhekk magħrufa mill-partijiet kollha, il-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni finali kienu sostanzjali wkoll, u kienu jvarjaw minn 8 sa 63 paġni.

(75)

Fir-rigward tal-aspett tad-dannu ta' din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni nnutat li l-partijiet irċevew divulgazzjoni finali u dokument ta' divulgazzjoni finali addizzjonali wkoll fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping parallela. L-investigazzjoni preżenti indirizzat il-kummenti li waslu wara li saru ż-żewġ divulgazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fajl miftuħ u d-divulgazzjonijiet diġà kellhom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-partijiet interessati kollha jeżerċitaw b'mod sħiħ id-drittijiet tagħhom ta' difiża sal-iskadenza kif stipulat fid-dokument ta' divulgazzjoni definittiva. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li matul dan il-proċediment id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati kollha kienu osservati b'mod sħiħ.

2.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Il-prodott ikkonċernat

(76)

Il-prodott ikkonċernat huwa ċerti tajers pnewmatiċi, ġodda jew b'wiċċ ġdid, tal-lastiku, tat-tip użat għall-karozzi tal-linja jew għat-trakkijiet, li jkollhom indiċi tat-tagħbija li jaqbeż il-121 u li joriġinaw fir-RPĊ, li attwalment jinsabu fil-kodiċijiet NM 4011 20 90 u ex 4012 12 00 (kodiċi TARIC 4012120010). Dawn il-kodiċijiet NM u TARIC qed jingħataw għall-informazzjoni biss.

(77)

Il-prodott ikkonċernat ikopri tajers pnewmatiċi, kemm ġodda kif ukoll b'wiċċ ġdid, għall-karozzi tal-linja u t-trakkijiet, li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi essenzjali.

(78)

Iż-żewġ tipi ta' prodott ikkonċernati huma magħmulin mill-istess materjal (anki jekk it-teknoloġija involuta tista' tkun differenti) u għandhom struttura simili. Il-varjazzjoni fil-materja prima u fl-istruttura jagħtu karatteristiċi differenti ta' prestazzjoni.

2.1.1.   Proċess ta' manifattura

2.1.1.1.   Tajers ġodda

(79)

Il-proċess ta' manifattura tat-tajers ġodda għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja jinvolvi: (1) it-taħlit tal-lastiku; (2) it-tħejjija tal-komponenti tat-tajers; (3) il-bini (ekoloġiku) tat-tajers; (4) it-twebbis (vulkanizzazzjoni); u (5) l-ispezzjoni finali. It-tajers kollha tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja huma magħmulin mill-istess materja prima bażika, jiġifieri lastiku naturali, lastiku sintetiku, azzar, iswed tal-karbonju, kimiċi u żjut oħra u tessuti, u għandhom l-istess komponenti, jiġiferi l-wiċċ ta' kuntatt, il-ġenb, il-kejsing fuq ġewwa, il-kurdun tax-xoffa, iċ-ċinturini tal-azzar u l-wajer tal-kejsing, anki jekk hemm ċertu differenza bejn il-produtturi differenti ta' dan il-prodott.

(80)

Il-proċess ta' manifattura ta' tajers ġodda tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja nstab ukoll li jinvolvi teknoloġiji differenti, li madankollu ma kellhomx impatt fuq is-sejbiet ġenerali ta' interkambjabbiltà.

2.1.1.2.   Tajers mogħtija wiċċ ġdid

(81)

L-għoti ta' wiċċ ġdid lil tajer huwa essenzjalment proċess ta' riċiklaġġ fejn it-tajers użati jiġu rikostruwiti permezz tas-sostituzzjoni ta' wiċċ it-tajer fuq kejsing qadim. Il-kejsings huma elementi prinċipali tal-proċess ta' għoti ta' wiċċ ġdid, u għalhekk parti sostanzjali mill-attività ta' dawk li jagħtu wiċċ ġdid hija l-għażla u l-akkwist ta' kejsings adattati għall-għoti ta' wiċċ ġdid. Għaldaqstant, il-kejsings huma l-input prinċipali tal-proċess tal-produzzjoni u jikkostitwixxu - skont il-kwalità tagħhom - jew prodott “nofsu lest” jew inkella skart.

(82)

Għal darb'oħra, dan il-proċess jista' jinvolvi diversi teknoloġiji mingħajr impatt fuq is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar l-interkambjabbiltà.

2.1.2.   Użu u tipi ta' tajers

(83)

It-tajers kollha tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja jiġu prodotti f'varjetà kbira ta' tipi u daqsijiet u jinsabu fuq firxa wiesgħa ta' vetturi kummerċjali, minn trakkijiet għall-konsenja lokali u karozzi tal-linja f'ambjent urban jew reġjonali sa trakkijiet u karozzi tal-linja li jivvjaġġaw fit-tul, skont l-ispeċifikazzjonijiet tad-daqs u l-indiċi tat-tagħbija tagħhom. Huma la huma adattati biex jintużaw fuq vetturi tal-passiġġieri u lanqas fuq vetturi kummerċjali ħfief oħra, bħalma wkoll mhumiex adatti biex jintużaw fuq vetturi mhux għat-triq bħal tratturi agrikoli.

(84)

Tajers għat-trakkijiet jew għall-karozzi tal-linja jinbiegħu f'żewġ tipi u f'erba' kategoriji. It-tajers bit-tubu huma għażla aktar tradizzjonali; ikollhom tubu intern, li minnu nnifsu jkollu valv, li jitqiegħed fit-tajer. F'tajer bla tubu, it-tajer u r-rimm tar-rota jkollhom għeluq li jżomm l-arja, bil-valv immuntat direttament fir-rimm. Il-biċċa l-kbira tat-tajers għat-trakkijiet jew il-karozzi tal-linja mibjugħin fl-Unjoni huma tajers mingħajr tubu. L-erba' kategoriji ta' tajers għat-trakkijiet jew għall-karozzi tal-linja huma: direzzjonali, għat-trazzjoni, għat-trejlers u għal kull pożizzjoni. It-tajers direzzjonali huma mfassla biex jintużaw fuq il-fus ta' quddiem biex jgħinu l-istering, iżda jistgħu jintużaw fil-pożizzjoniijet kollha fuq it-trakk jew il-karozza tal-linja, skont l-użu tal-vettura. Tajers “għat-trazzjoni” huma mfassla għas-sistema tal-mototrażmissjoni u jipprovdu trazzjoni aħjar. It-tajers għat-trejlers huma mfassla biex jiġu armati fuq it-trejlers, filwaqt li t-tajers għal kull pożizzjoni huma mfassla sabiex fuq vettura jintużaw fil-pożizzjonijiet kollha, skont l-użu tagħha.

(85)

Tajers, ġodda jew b'wiċċ ġdid huma suġġetti għall-istess rekwiżiti ta' sikurezza fis-suq tal-Unjoni kif stabbilit fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

2.2.   Segmentazzjoni fi tliet livelli tas-suq tal-Unjoni għat-tajers

(86)

Informazzjoni miġbura u rċevuta mill-Kummissjoni tindika li s-suq tal-Unjoni għat-tajers tal-karozzi tal-linja u tat-trakkijiet huwa segmentat fi tliet livelli jew segmenti. Filwaqt li ma hemmx linji diviżorji ċari bejn il-livelli, hemm qbil ġenerali fost il-partijiet interessati u s-sejbiet tal-Kummissjoni fil-kategorizzazzjoni li ġejja.

(87)

It-tajers tal-Livell 1 ikopru tajers ġodda bil-marka ewlenija tal-manifatturi prinċipali. Ir-rikonoxximent tal-marka hija fattur ewlieni għat-tajers f'dan il-livell u jiġġustifika l-prezzijiet ogħla għall-prestazzjonijiet għolja mistennija kif ukoll għall-investimenti partikolarment qawwija fil-kummerċjalizzazzjoni. It-tajers bħala tagħmir oriġinali għall-manifatturi ta' trakkijiet jew ta' karozzi tal-linja (“OE1”) huma primarjament inklużi f'dan il-livell. Il-kwalità tat-tajers tal-Livell 1 tiżgura possibbiltà għolja li jingħataw wiċċ ġdid, billi dawn huma mfasslin biex “ikollhom aktar minn ħajja waħda”, fatt li jkompli jżid l-ammont diġà għoli ta' mili tal-prodott oriġinali (għal użu normali, jingħataw sa tliet uċuħ ġodda). It-tajers tal-Livell 1 huma assoċjati wkoll ma' livell ogħla ta' sikurezza u spiss ikunu akkumpanjati minn livell tajjeb ta' servizz ta' wara l-bejgħ.

(88)

Il-Livell 2 ikopri l-biċċa l-kbira mit-tajers mhux primjum, li jkunu kemm ġodda u kemm b'wiċċ ġdid, bi prezzijiet li jvarjaw bejn wieħed u ieħor minn 65 % għal 80 % tal-prezz tat-tajers tal-Livell 1. It-tajers bħala tagħmir oriġinali għall-manifatturi ta' trejlers (“OE2”) jistgħu jiġu inklużi f'dan il-livell. Ir-rikonoxximent tal-marka jibqa' importanti f'dan il-livell, u normalment il-marki jkunu magħrufin sew mix-xerrejja, li jkunu jistgħu jidentifikaw il-manifatturi tat-tajers ukoll. Ġeneralment, huma jkunu jistgħu jingħataw wiċċ ġdid mill-inqas darba u, għalkemm limitati aktar mit-tajers tal-Livell 1, għandhom prestazzjoni tajba f'terminu tal-ammont ta' mili.

(89)

It-tajers tal-Livell 3 jkopru kemm tajers ġodda u kemm b'wiċċ ġdid b'ammonti ta' mili aktar baxxi u bil-possibbiltà limitata ħafna li jingħataw wiċċ ġdid, jekk ikollhom. Tipikament, il-prezz tagħhom ikun inqas minn 65 % tal-prezz u l-ammont ta' mili tat-tajers tal-Livell 1. F'dan il-livell, kważi ma jeżistix rikonoxximent tal-marka u l-prezz isir il-fattur li jiddetermina d-deċiżjoni tal-konsumatur dwar x'jixtri. Normalment għal dawn ma jingħatawx servizzi ta' wara l-bejgħ.

(90)

Tajers b'wiċċ ġdid jistgħu jiġu kklassifikati taħt il-Livell 2 jew il-Livell 3. Filwaqt li xi tajers Ċiniżi jistgħu jingħataw wiċċ ġdid, ftit li xejn jingħataw wiċċ ġdid fiċ-Ċina. L-għoti ta' wiċċ ġdid, madankollu, huwa pjuttost mifrux fl-Unjoni u fi swieq oħrajn, pereżempju fil-Brażil. L-attività tal-għoti ta' wiċċ ġdid fl-Unjoni tikkonsisti minn:

dawk li jagħtu wiċċ ġdid jaġixxu f'isem, il-marka jew l-awtorità ta' produttur ta' tajers ġodda. Huma jitqiesu bħala kontinwazzjoni tal-marki li jbigħu t-tajers ġodda. Dan jikkorrispondi għat-tajers tal-Livell 2.

dawk li jagħtu wiċċ ġdid indipendentement li normalment ikopru swieq ġeografiċi u volumi iżgħar. Huma jbigħu t-tajers f'isimhom jew f'isem il-marka tagħhom stess, u jiddependu fuq l-għarfien espert tagħhom stess. Il-biċċa l-kbira minnhom huma SMEs (mill-inqas 380 kumpanija fl-Unjoni). Dan jikkorrispondi għat-tajers tal-Livell 3.

(91)

Il-Kummissjoni ħarġet l-immappjar ta' tajers ġodda u b'wiċċ ġdid skont il-marka fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, li saret disponibbli għall-partijiet interessati kollha fis-27 ta' Ottubru 2017.

2.3.   It-talbiet dwar is-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni għat-tajers

(92)

Kif innutat fil-premessa (86), il-partijiet interessati ġeneralment aċċettaw il-prinċipju tas-segmentazzjoni tas-suq fi tliet stadji.

(93)

L-immappjar tas-suq għall-marki tat-tajers kif stabbilit fin-nota tal-fajl tas-27 ta' Ottubru 2017 skont il-livelli ġie approvat b'mod ġenerali mill-partijiet interessati, ħlief għal dawn it-talbiet minn partijiet interessati biex ċerti marki jiġu kklassifikati mill-ġdid f'livelli differenti. Speċifikament, iċ-China National Tire Group qies il-marka tiegħu Aeolus bħala waħda tal-livell 3 (minflok tal-livell 2); żewġ importaturi li jimportaw il-marka Double Coin sostnew li din jenħtieġ li tkun ikklassifikata fil-Livell 2 (minflok fil-Livell 3); il-Hankook Group qies li l-marka tiegħu Aurora kienet tappartjeni għal-Livell 2 (minflok għal-Livell 3); il-Giti Group fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju huwa tal-fehma li d-ditta tiegħu Primewell u GT Radial kienu jappartjenu għal-Livell 2 (minflok għal-Livell 3) u importatur indipendenti stqarr li l-marka Sailun jenħtieġ li tiġi kklassifikata fil-Livell 2 (minflok fil-Livell 3).

(94)

Il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet fuq il-bażi tal-evidenza ppreżentata mill-partijiet interessati u tal-informazzjoni miġbura ex officio matul investigazzjonijiet. F'konformità mal-karatteristiċi identifikati fil-premessa (81), hija analizzat kemm it-tajers minn marki speċifiċi huma (1) rikopribbli; (2) huma użati għal tagħmir oriġinali għal karozzi tal-linja u trakkijiet; u (3) huma kkummerċjalizzati f'livell partikolari skont il-valutazzjoni proprja ta' kull kumpanija.

(95)

Fir-rigward tal-Hankook Group, il-Kummissjoni aċċettat li tikklassifika tal-marka Aurora fil-Livell 2 kif mitlub. Madankollu, hija kkonkludiet ukoll li l-marka Hankook jenħtieġ li tiġi kklassifikata fil-Livell 1. Għall-marka tagħha Hankook, hemm garanzija legali li t-tajers tagħha jistgħu jingħataw ġdid mill-inqas darba. Barra minn hekk, din taġixxi bħala fornitur OE1 għall-kumpaniji Ewropej bħal Scania, MAN u Mercedes-Benz. Is-sit web tal-Hankook Group jikkummerċjalizza l-marka tiegħu bħala “premium”, u dokument intern minn importatur relatat mgħoddi matul il-verifika indika li l-marka mxiet għal-Livell 1.

(96)

Fir-rigward tal-Giti Group, il-Kummissjoni aċċettat li tikklassifika tal-marki Primewell u GT Radial fil-Livell 2 kif mitlub. Il-Kummissjoni sabet ukoll li t-tajers Giti jistgħu jingħataw wiċċ ġdid. Madankollu, l-attivitajiet ta' tagħmir oriġinali tal-Giti Group ma jestendux għat-trakkijiet u l-karozzi tal-linja, iżda huma relatati mat-tajers tal-karozzi tal-passiġġieri. Barra minn hekk, il-Giti Group jikkunsidra l-marki tiegħu bħala tal-livell 2. Għalhekk, il-marki tal-grupp ġew ikklassifikati fil-livell 2.

(97)

Għaċ-China National Tire Group, il-Kummissjoni aċċettat b'mod preliminari li tikklassifika l-marka tiegħu Aeolus fil-livell 3 kif mitlub mill-kumpanija, fuq il-bażi tal-pretensjonijiet li t-tajers tagħha ġeneralment ma jistgħux jingħataw wiċċ ġdid u ma jinbigħux fis-suq OE.

(98)

L-importaturi li għamlu t-talbiet dwar il-marki Double Coin u Sailun ma kinux kumpaniji fil-kampjun, u b'hekk il-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-allegazzjonijiet tagħhom f'dan l-istadju. Billi ma kinux fil-kampjun, il-klassifikazzjoni tagħhom fil-livell 2 jew 3 ma taffettwax ir-riżultat tal-investigazzjoni. Għalhekk, filwaqt li ma jintefa' l-ebda dubju dwar l-evidenza mressqa mill-importaturi dwar l-esperjenza tagħhom tal-klijenti tagħhom għat-tajers ta' dawn il-marki, il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda pożizzjoni fuq it-talbiet tagħhom f'dan l-istadju.

(99)

Bosta partijiet interessati ddikjaraw li l-immappjar tal-livelli skont il-marka huwa applikabbli biss għall-Unjoni, u fi swieq oħra l-immappjar tal-livelli jista' jkun differenti ħafna. B'mod partikolari, l-immappjar tal-livelli tal-Unjoni ma jistax jiġi traspost għas-suq Ċiniż. Il-Kummissjoni enfasizzat li l-immappjar skont il-marka kien użat f'din l-investigazzjoni sabiex tiġi analizzata s-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, u ma kellu l-ebda sinifikat legali għal swieq oħra.

2.3.1.   Talbiet għall-esklużjoni ta' prodotti

(100)

Is-CRIA u s-CCCME kif ukoll iċ-China National Tire Group stqarrew li tajers ġodda jew b'wiċċ ġdid jenħtieġ li jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, minħabba li:

tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għandhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali differenti;

tajers b'wiċċ ġdid għandhom ħajja iqsar minn tajers ġodda;

tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għandhom użu, mezzi ta' bejgħ, applikazzjonijiet u perċezzjonijiet tal-konsumatur differenti. B'mod partikolari, tajers b'wiċċ ġdid ma' jintużawx fis-suq tat-tagħmir oriġinali u ġeneralment ma jintramawx fuq il-fus direzzjonali u fuq trakkijiet li jġorru oġġetti perikolużi;

tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għandhom kodiċijiet NM differenti.

(101)

Wara d-divulgazzjoni finali, Pirelli tenniet talba simili.

(102)

Dawn il-partijiet osservaw ukoll li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja (“il-QtĠ”), f'bosta każijiet ta' kompetizzjoni, kkonkludew li tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid jikkostitwixxu żewġ swieq rilevanti differenti f'termini tal-prezz, l-istruttura tal-forniment, l-istruttura tad-domanda, il-mezzi ta' forniment u s-sostitwibbiltà (21). Is-CRIA u s-CCCMC indikaw ukoll li awtoritajiet oħra li investigaw l-antidumping trattaw it-tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid b'mod separat (22). Wara d-divulgazzjoni finali, Hämmerling tenniet pretensjoni simili.

(103)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni żbaljat fil-valutazzjoni tagħha fir-rigward tal-fatturi ta' rilevanza, billi ma trattatx b'mod separat tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid.

(104)

Il-Giti Group sostna li t-tajers li jieħdu wiċċ ġdid jew li jkollhom aktar minn ħajja waħda jenħtieġ li jiġu esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat peress li t-tajers li jieħdu wiċċ ġdid huma aktar sofistikati minn tajers li ma jiħdux wiċċ ġdid, b'karatteristiċi tekniċi distintivi.

(105)

Il-Kummissjoni sabet li l-proċess ta' għoti ta' wiċċ ġdid jippreserva l-karatteristiċi prinċipali, il-komponenti u l-istruttura prinċipali tat-tajer li jirriżultaw mill-proċess ta' manifattura inizjali. B'mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ewlenin tat-tajer, jiġifieri d-daqs, l-indiċi tat-tagħbija u l-klassifikazzjoni tal-veloċità ma jiġux immodifikati fl-istadju tal-għoti ta' wiċċ ġdid. It-tajers ġodda (kemm dawk li jieħdu wiċċ ġdid kif ukoll dawk li ma jiħdux) u dawk b'wiċċ ġdid huma magħmulin mill-istess materja prima, mill-istess komponenti, u għandhom struttura simili.

(106)

Id-differenza prinċipali fil-karatteristiċi tekniċi bejn tajer prodott ġdid u tajer b'wiċċ ġdid li jkun mibni fuq il-kejsing tiegħu hija li tajer b'wiċċ ġdid jista' tabilħaqq ikollu ħajja iqsar, u jista' jkun li jiġi pperċepit bħala alternattiva inqas sikura. Madankollu, hemm eżatt l-istess differenzi fil-perċezzjoni teknika, tal-kwalità u tas-sikurezza bejn żewġ tajers ġodda minn livelli differenti. B'mod partikolari, tajers tal-livelli aktar baxxi wkoll jagħmlu ammont ta' mili aktar baxx, u mhumiex l-għażla preferuta għal vetturi li jridu jikkonformaw ma' standards għoljin ħafna ta' sikurezza, jiġifieri dawk li jġorru oġġetti perikolużi.

(107)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat il-pretensjoni li tajers ġodda (li jieħdu wiċċ ġdid u dawk le) u dawk b'wiċċ ġdid għandhom karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi differenti.

(108)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li kemm tajers ġodda kif ukoll dawk b'wiċċ ġdid jintużaw mis-sidien ta' trakkijiet jew karozzi tal-linja li, prinċipalment, ikunu attivi fis-settur tat-trasport ta' persuni jew oġġetti fuq distanzi qosra jew twal. Għalhekk, l-użu finali essenzjali ta' tajers ġodda u b'wiċċ ġdid huwa l-istess. Il-Kummissjoni sabet ukoll li tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għandhom l-istess erba' tipi prinċipali ta' applikazzjoni, jiġifieri “direzzjonali”, “għat-trazzjoni”, “għat-trejlers” u “għal kull pożizzjoni”, u huma suġġetti għall-istess rekwiżiti tas-sikurezza fuq is-suq tal-Unjoni bħal dawk stipulati fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

(109)

Għalhekk, il-pretensjoni li tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid għandhom applikazzjonijiet differenti ġiet irrifjutata.

(110)

Il-Kummissjoni qablet li tajers b'wiċċ ġdid huma differenti minn tajers ġodda tal-Livell 1, sal-punt li huma ma jinbigħux fis-suq tat-tagħmir oriġinali. Il-Kummissjoni sabet ukoll li eżattament l-istess huwa minnu għat-tajers tal-livell 3, u fil-biċċa l-kbira għall-marki tal-livell 2, li huma wkoll ma jinbigħux fis-suq tat-tagħmir oriġinali.

(111)

Għalhekk, il-Kummissjoni rrifjutat il-pretensjoni li tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għandhom kanali ta' bejgħ differenti.

(112)

Rigward id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni u s-sentenza tal-QtĠ (23) fejn it-tajers b'wiċċ ġdid instab li huma suq separat tal-prodotti, dan huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-prodott fl-investigazzjonijiet ta' difiża kummerċjali. Id-definizzjoni tas-swieq f'każ ta' fużjoni tiffoka fuq is-sostituzzjoni min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista (24). F'investigazzjoni antidumping, is-suq huwa ddefinit mill-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodott ikkonċernat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni.

(113)

Rigward il-pretensjoni dwar id-definizzjoni tal-prodott f'każijiet ta' antidumping f'pajjiżi terzi, il-Kummissjoni indikat li d-definizzjoni tal-prodott taqa' fil-marġni ta' diskrezzjoni wiesa' tal-awtorità ta' investigazzjoni fi kwistjonijiet ta' difiża kummerċjali (25). Għalhekk, il-mod li bih l-awtoritajiet investigattivi f'pajjiżi terzi użaw id-diskrezzjoni tagħhom f'dan ir-rigward ma jistax jillimita l-marġni ta' diskrezzjoni tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni.

(114)

Ġie sottomess ukoll li l-prodott ikkonċernat jenħtieġ li ma jkunx kopert minn diversi kodiċijiet NM. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni, l-ewwel, li huwa komuni ħafna li prodott uniku kkonċernat ikun kopert minn bosta kodiċijiet NM. Dan jiġri b'mod naturali minħabba t-tifsila tan-Nomenklatura Magħquda. Barra minn hekk, in-Notifika ta' Bidu ddikjarat b'mod ċar li l-kodiċijiet NM ingħataw għall-informazzjoni biss. It-tieni, ma ġiet ipprovduta l-ebda evidenza fattwali u l-Kummissjoni lanqas ma sabet informazzjoni li l-prodott ikkonċernat ġie definit b'tali mod li tajers impurtati ttrattati mill-ġdid jew ġodda ma setgħux jinstabu li jikkostitwixxu alternattivi, u jikkompetu direttament ma' tajers ġodda u b'wiċċ ġdid prodotti fl-Unjoni. L-istess japplika għall-perċezzjonijiet tal-produtturi u tal-konsumaturi, għall-mezzi ta' distribuzzjoni, jew għal fatturi oħra rigward l-eżistenza ta' kategorija waħda jew kategoriji multipli ta' prodotti apparagun tad-divrenzjar bejn tajers ġodda u b'wiċċ ġdid għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni.

(115)

Fl-aħħar nett, il-partijiet interessati sostnew li, minħabba s-segmentazzjoni tas-suq fl-Unjoni, it-tajers b'wiċċ ġdid huma meqjusa li huma ta' kwalità inferjuri mit-tajers ġodda tal-Livell 1, anki jekk dawn isiru fuq il-kejsing tat-tajers tal-Livell 1.

(116)

Il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni li hija konformi mal-immappjar tal-livelli stabbiliti għal din l-investigazzjoni, u kkunsidrat tajers b'wiċċ ġdid fil-Livelli 2 u 3.

2.4.   Prodott simili

(117)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi, kif ukoll l-istess użu bażiku:

il-prodott ikkonċernat;

il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(118)

Għaldaqstant f'dan l-istadju l-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

3.   SUSSIDJAR

3.1.   Introduzzjoni: Preżentazzjoni tal-pjanijiet, tal-proġetti u ta' dokumenti oħrajn tal-Gvern

(119)

Qabel ma analizzat l-allegat sussidjar fil-forma ta' sussidji jew programmi ta' sussidju, il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet, il-proġetti u dokumenti oħra tal-gvern, li kienu rilevanti għal aktar minn wieħed mis-sussidji jew mill-programmi ta' sussidju. Hija sabet li s-sussidji jew il-programmi ta' sussidju kollha taħt valutazzjoni jifformaw parti mill-implimentazzjoni tal-ippjanar ċentrali tal-GTĊ biex tiġi inċentivata l-industrija tat-tajers għar-raġunijiet li ġejjin.

(120)

It-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali tar-RPĊ (“it-13-il Pjan ta' Ħames Snin”) li jkopri l-perjodu 2016-2020 jenfasizza l-viżjoni strateġika tal-GTĊ għat-titjib u l-promozzjoni tal-industriji ewlenin. Huwa jenfasizza r-rwol tal-innovazzjoni teknoloġika fl-iżvilupp ekonomiku tar-RPĊ, kif ukoll l-importanza kontinwa tal-prinċipji ta' żvilupp “ekoloġiku”. Skont il-kapitolu 5 tiegħu, waħda mil-linji prinċipali ta' żvilupp hija l-promozzjoni u t-titjib tal-istruttura industrijali tradizzjonali, kif kien diġà l-każ fit-12-il Pjan ta' Ħames Snin. Din l-idea hija elaborata aktar fil-kapitolu 22, li jispjega l-istrateġija għall-immodernizzar tal-industrija tradizzjonali fir-RPĊ permezz tal-promozzjoni tal-konverżjoni teknoloġika tagħha. F'dan ir-rigward, it-13-il Pjan ta' Ħames Snin jgħid li l-kumpaniji ser jiġu appoġġjati sabiex “jitjiebu b'mod komprensiv f'oqsma bħat-teknoloġija tal-prodotti, it-tagħmir industrijali, il-ħarsien tal-ambjent u l-effiċjenza enerġetika”. Il-kaxxa 7 tirreferi speċifikament għal proġetti relatati ma' prodotti petrokimiċi downstream (li jinkludu t-tajers) f'dan il-kuntest. Il-ħarsien tal-ambjent huwa elaborat aktar fil-kapitolu 44. Skont dan il-kapitolu, fl-industriji ewlenin ser tiġi implimentata “rinnovazzjoni” ta' produzzjoni nadifa u, f'dan ir-rigward, il-kaxxa 16 tirreferi speċifikament għall-industrija petrokimika.

(121)

F'livell aktar dettaljat, il-GTĊ ħareġ ukoll it-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Industrija Kimika u Petrokimika (“it-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin”), li jinkludi l-industrija tat-tajers, u huwa bbażat fuq it-13-il Pjan ta' Ħames Snin. Dan il-pjan jindika fl-introduzzjoni li l-industrija petrokimika u kimika hija industrija li hija kolonna importanti għall-ekonomija nazzjonali taċ-Ċina. Huwa jkompli jelabora dwar il-prinċipji ta' innovazzjoni teknoloġika, aġġustament strutturali u żvilupp ekoloġiku msemmija fit-13-il Pjan ta' Ħames Snin, jorbothom ma' prijoritajiet aktar speċifiċi fi ħdan l-industrija petrokimika (ara l-kapitolu III – Kompiti ewlenin) u jagħmel ir-rabta ma' diversi miżuri ta' appoġġ fiskali u finanzjarju (ara l-kapitolu IV– Miżuri ta' salvagwardja: it-taqsima 4 - Tisħiħ tal-appoġġ tal-politika).

(122)

Barra minn hekk, il-GTĊ ħareġ pjan speċifiku għall-industrija tat-tajers għall-fini tal-implimentazzjoni tat-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin, jiġifieri l-Politika tal-Industrija tat-Tajers (26). Din il-Politika tenfasizza li l-prijorità ewlenija għall-GTĊ hija l-aġġustament strutturali, ir-riforma teknoloġika u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-industrija tat-tajers. L-Artikolu 6 isemmi li l-iżvilupp ta' tajers radjali ta' prestazzjoni għolja u ta' tajers TBR mingħajr tubu huwa inkoraġġit. Barra minn hekk, il-preambolu tal-Politika tal-Industrija tat-Tajers jiddikjara li “Din il-politika tal-industrija għandha sservi bħala l-bażi għad-dipartimenti rilevanti kollha meta jimbarkaw fuq id-diversi aspetti tal-ġestjoni tal-investiment, il-provvista tal-art, il-valutazzjoni ambjentali, il-valutazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija, il-permess għas-sikurezza, il-finanzjament tal-kreditu u l-provvista tal-elettriku għal proġetti tal-industrija tat-tajers bħall-kostruzzjoni ta' faċilitajiet tal-produzzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija.

(123)

Fl-aħħar nett, dan id-dokument jistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet tad-dħul fis-suq, peress li huma biss l-intrapriżi li jaqbżu ċerta kapaċità ta' produzzjoni u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ambjentali li jistgħu jidħlu fis-suq (27).

(124)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-GTĊ tenna l-pożizzjoni bażika tiegħu fuq il-Pjanijiet ta' Ħames Snin taċ-Ċina, u sostna li mhumiex vinkolanti, u jenħtieġ li jitqiesu sempliċiment bħala dokumenti ta' “gwida”. Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din il-pożizzjoni - Tabilħaqq il-kapitolu 17 tat-13-il Pjan ta' Ħames Snin jiddikjara li: “L-istrateġija u l-pjan nazzjonali tal-iżvilupp se jidħlu fis-seħħ bi rwol ta' gwida u obbligatorju.” (28) Minbarra dan, il-Kapitolu IV tat-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin jorganizza t-twettiq tal-pjan u jinnota li l-intrapriżi huma mistennija li: “iwettqu kompiti ewlenin fil-pjan, jirregolaw lilhom infushom u jagħtu feedback dwar problemi fl-eżekuzzjoni tal-pjan fil-ħin” (29). Fl-aħħar nett, il-Politika tal-Industrija tat-Tajers issemmi fil-Preambolu tagħha li “għandha tiġi implimentata mill-entitajiet rilevanti kollha kif xieraq”. Għalhekk, aktar milli jagħmlu biss dikjarazzjonijiet ġenerali ta' inkoraġġiment, dawn il-pjanijiet jużaw lingwa li tindika n-natura vinkolanti tagħhom.

(125)

Id-dokumenti li ġejjin jidentifikaw ukoll l-industrija tat-tajers bħala industrija strateġika, prijoritizzata u/jew inċentivata:

Id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promulgazzjoni u l-Implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” (“id-Deċiżjoni Nru 40”). Din id-Deċiżjoni tiddikjara li l-“Katalogu ta' Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali”, li huwa miżura ta' implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 40, huwa bażi importanti sabiex jiġu ggwidati d-direzzjonijiet tal-investiment. Tiggwida wkoll lill-GTĊ sabiex jamministra proġetti ta' investiment, u sabiex jifformula u jinforza politiki dwar il-finanzi pubbliċi, it-taxxi, il-kreditu, l-art, l-importazzjoni u l-esportazzjoni (30). L-industrija tat-tajers, u b'mod aktar speċifiku l-produzzjoni ta' ċerti tajers bħal “tajer radjali ta' prestazzjoni għolja (inkluż tajer tat-trakkijiet bla tubu (…))” hija indikata bħala kategorija inċentivata fil-Kapitolu VIII ta' dan il-Katalogu ta' Gwida (31). Fir-rigward tan-natura legali tagħha, il-Kummissjoni nnotat li d-Deċiżjoni Nru 40 hija Ordni mill-Kunsill tal-Istat, li huwa l-ogħla korp amministrattiv fir-RPĊ. F'dak ir-rigward, id-deċiżjoni hija legalment vinkolanti għal korpi pubbliċi oħrajn u għall-operaturi ekonomiċi (32).

Skont il-kapitoli III.1&5 u VIII tiegħu, il-Qafas Nazzjonali għall-Iżvilupp tax-Xjenza u tat-Teknoloġija fuq Terminu Medju u Twil (2006 – 2020) jappoġġa l-iżvilupp ta' oqsma ewlenin u ta' temi ta' prijorità, u jinkoraġġixxi l-appoġġ finanzjarju u fiskali għal dawn il-prijoritajiet u l-oqsma ewlenin. Il-Kapitoli III.1 & 5 ta' dan id-dokument isemmu b'mod ċar l-industrija (petro)kimika b'rabta mat-temi ta' prijorità Nru 1 imsejħa “Effiċjenza Enerġetika Industrijali”, u Nru 31 imsejħa “Materja Prima Bażika”. Il-Kapitolu VIII jinkoraġġixxi appoġġ finanzjarju u fiskali għal dawn it-temi ta' prijorità.

Il-katalogu tal-GTĊ ta' prodotti Ċiniżi ġodda u b'teknoloġija avvanzata (33) jelenka “tajer radjali ġdid pnewmatiku ta' tip użat f'karozzi tal-linja jew trakkijiet (tal-lastiku, b'wisa' tas-sezzjoni trasversali ta' ≥ 24 pulzier)” bħala prodotti inċentivati għall-esportazzjonijiet.

Fil-livell lokali, il-Provinċja ta' Shandong hija l-provinċja bl-akbar industrija tal-manifattura tat-tajers fiċ-Ċina, u ppromulgat ukoll pjanijiet biex tippromwovi l-industrija tat-tajers. Pereżempju, f'Ottubru 2014, il-gvern provinċjali ta' Shandong ippromulga l-Pjan ta' Implimentazzjoni għat-Trasformazzjoni u t-Titjib tal-Industrija tat-Tajers tal-Provinċja ta' Shandong (34) li, fost affarijiet oħra, jistabbilixxi miri ta' produzzjoni ta' 91 miljun unità għat-tajers tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja sal-2017 u ta' 120 miljun unità sal-2020, u jipprovdi għal appoġġ għall-intrapriżi ta' bażi tat-tajers tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja.

(126)

Bħala konklużjoni, l-industrija tat-tajers hija b'hekk meqjusa bħala industrija strateġika/ewlenija, li l-iżvilupp tagħha huwa segwit b'mod attiv mill-GTĊ bħala objettiv politiku.

3.2.   Nuqqas ta' kooperazzjoni parzjali u l-użu tal-fatti disponibbli

3.2.1.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tas-self preferenzjali, l-inputs ipprovduti b'remunerazzjoni anqas minn dik adegwata u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni

(127)

Għall-konvenjenza amministrattiva, il-Kummissjoni talbet lill-GTĊ biex jibgħat kwestjonarji speċifiċi lil erba' banek speċifiċi tal-Istat imsemmija fl-ilment u Sinosure, kif ukoll kull istituzzjoni finanzjarja oħra li pprovdiet self jew krediti għall-esportazzjoni lill-kumpaniji fil-kampjun, jew lix-xerrejja tal-kumpaniji fil-kampjun. Bl-istess mod, il-Kummissjoni talbet lill-GTĊ biex jgħaddi kwestjonarji speċifiċi lil dawk il-produtturi tal-lastiku naturali, tal-lastiku sintetiku, tal-iswed tal-karbonju u tal-korda tan-najlon li, skont l-ilment, ipprovdew inputs b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata lill-kumpaniji fil-kampjun, kif ukoll lil produtturi u distributuri oħra tal-materja prima inkwistjoni li kienu pprovdew inputs lill-kumpaniji fil-kampjun.

(128)

Għall-ewwel, il-GTĊ ma rrispondiex għat-talba tal-Kummissjoni. Fl-ittra ta' defiċjenza, il-Kummissjoni għalhekk irripetiet it-talba tagħha, bil-għan li tkabbar il-possibbiltajiet biex jiġu involuti l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri ta' input fl-investigazzjoni billi tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa biex il-Kummissjoni tagħmel sejbiet dwar l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar. Wara l-ittra ta' defiċjenza, il-GTĊ tabilħaqq ikkuntattja lill-istituzzjonijiet finanzjarji u l-fornituri msemmija hawn fuq. Madankollu, kienu biss tliet banek tal-Istat imsemmija speċifikament mill-ilmentatur u Sinosure li wieġbu għall-kwestjonarju.

3.2.1.1.   Self preferenzjali

(129)

Skont il-GTĊ, huwa ma kellux l-awtorità li jitlob informazzjoni mingħand il-banek tal-Istat li ma rrispondewx għall-kwestjonarju, billi dawn joperaw indipendentement mill-GTĊ.

(130)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din il-pożizzjoni. L-ewwel nett, huwa l-fehim tal-Kummissjoni li l-informazzjoni mitluba minn entitajiet tal-Istat (kemm jekk dawn ikunu kumpaniji kif ukoll jekk ikunu istituzzjonijiet pubbliċi/finanzjarji) hija disponibbli għall-GTĊ għall-entitajiet kollha fejn il-GTĊ huwa l-azzjonist ewlieni jew kbir. Tabilħaqq, skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Assi tal-Istat tal-Impriżi (35), l-aġenziji tas-superviżjoni u tal-amministrazzjoni tal-assi tal-Istat stabbiliti mill-Kummissjoni għas-Superviżjoni u l-Amministrazzjoni tal-Assi tal-Istat tal-Kunsill tal-Istat u l-gvernijiet tal-poplu lokali jwettqu d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-kontributur tal-kapital ta' intrapriża b'investiment mill-Istat f'isem il-gvern. Dawn l-aġenziji huma għalhekk intitolati li jirċievu redditi fuq l-assi, jieħdu sehem fit-teħid ta' deċiżjonijiet maġġuri u jagħżlu persunal maniġerjali ta' intrapriżi b'investiment mill-Istat. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 17 tal-Liġi msemmija aktar 'il fuq dwar l-Assi tal-Istat, l-impriżi b'investiment mill-Istat għandhom jaċċettaw l-amministrazzjoni u s-superviżjoni mill-gvernijiet u d-dipartimenti u l-aġenziji governattivi rilevanti, jaċċettaw is-superviżjoni pubblika, u jkunu responsabbli lill-kontributuri kapitali.

(131)

Barra minn hekk, il-GTĊ għandu wkoll l-awtorità meħtieġa biex jinteraġixxi mal-istituzzjonijiet finanzjarji anki meta ma jkunux proprjetà tal-Istat, minħabba li kollha jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-awtorità regolatorja bankarja Ċiniża. Pereżempju, skont l-Artikoli 33 u 36 tal-Liġi dwar is-Superviżjoni Bankarja (36), is-CBRC għandha l-awtorità li jirrikjedi li l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha stabbiliti fir-RPĊ jippreżentaw informazzjoni, bħal rapporti finanzjarji, rapporti statistiċi u informazzjoni dwar l-operazzjonijiet tan-negozju u l-ġestjoni. Is-CBRC tista' wkoll tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jiddivulgaw informazzjoni lill-pubbliku.

(132)

Minbarra dan, għalkemm ipprovdew xi spjegazzjonijiet ġenerali dwar il-funzjonament tas-sistemi tal-approvazzjoni tas-self u tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, ebda wieħed mill-banek tal-Istat li kkooperaw ma pprovda informazzjoni speċifika dwar is-self ipprovdut lill-kumpaniji inklużi fil-kampjun, hekk kif sostnew li huma kienu marbuta b'rekwiżiti statutorji u regolatorji u bi klawżoli kuntrattwali fir-rigward tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni relatata mal-kumpaniji inklużi fil-kampjun.

(133)

Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lill-gruppi ta' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun sabiex jagħtu aċċess għall-informazzjoni speċifika għall-kumpaniji miżmuma mill-banek kollha, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, li mingħandhom irċevew self. Għalkemm il-kumpaniji fil-kampjun taw il-kunsens tagħhom biex jipprovdu aċċess għad-data tal-bank li tappartjeni għalihom, il-banek irrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni dettaljata meħtieġa.

(134)

Il-Kummissjoni finalment irċeviet biss informazzjoni dwar l-istruttura korporattiva u s-sjieda mit-tliet banek tal-Istat imsemmija fil-premessa (48) iżda mill-ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji oħra li kienu pprovdew self lill-kumpaniji fil-kampjun. Barra minn hekk, ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji ma pprovdiet xi informazzjoni speċifika għall-valutazzjoni tar-riskju tas-self mogħti lill-gruppi ta' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun.

(135)

Billi ma kellha l-ebda informazzjoni fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-banek tal-Istat li pprovdew self lill-kumpaniji fil-kampjun, u l-ebda informazzjoni speċifika għall-kumpaniji dwar is-self ipprovdut mill-banek li kkooperaw, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx irċeviet informazzjoni kruċjali rilevanti għal dan l-aspett tal-investigazzjoni.

(136)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li jista' jkollha tirrikorri għall-użu tal-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz ta' self preferenzjali.

(137)

Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni kif ukoll fil-kummenti għad-Dokument ta' Informazzjoni u għad-divulgazzjoni finali, il-GTĊ oġġezzjona għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tas-self preferenzjali. Il-GTĊ tenna li ma kellu ebda awtorità fuq il-banek. Il-GTĊ qies ukoll li huwa kien ikkoopera bl-aħjar ħiliet tiegħu, li l-Kummissjoni kienet imponiet piż żejjed mhux raġonevoli fuqu, u li l-informazzjoni nieqsa ma kinitx “meħtieġa” fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, peress li kienet diġà disponibbli permezz tat-tweġibiet għall-kwestjonarji.

(138)

Il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-GTĊ għandu l-awtorità li jitlob informazzjoni mill-banek għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (130) sa (131) hawn fuq. Huwa rrikonoxxa li l-GTĊ għadda l-kwestjonarji rilevanti lill-banek, u li rċieva tweġibiet mingħand tliet banek tal-Istat. Hija użat l-informazzjoni pprovduta b'dan il-mod, u kkomplementatha b'fatti disponibbli biss għal dawk il-partijiet li kienu nieqsa.

(139)

Din l-informazzjoni nieqsa prinċipalment tikkonċerna żewġ aspetti: l-ewwel, informazzjoni dwar l-istruttura ta' sjieda u ta' governanza tal-banek li ma kkooperawx. Din l-informazzjoni kienet meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddetermina jekk dawn il-banek humiex entitajiet pubbliċi jew le. It-tieni, informazzjoni speċifika dwar il-kumpanija mill-banek li kkooperaw, bħal pereżempju l-proċess ta' approvazzjoni ta' self intern tal-bank u l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-banek għas-self ipprovdut lill-kumpaniji fil-kampjun kien meħtieġ fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Bażiku sabiex jiġi stabbilit jekk ġiex ipprovdut self b'rati preferenzjali lill-kumpaniji fil-kampjun. Barra minn hekk, dawn id-dokumenti interni jistgħu jiġu pprovduti biss mill-banek, u għalhekk ma setgħux jiġu pprovduti permezz tar-risposti għall-kwestjonarju tal-kumpaniji fil-kampjun.

(140)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li kienet imponiet piż mhux raġonevoli fuq il-GTĊ. Mill-bidu, il-Kummissjoni llimitat l-investigazzjoni tagħha għal dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li kienu pprovdew self lill-kumpaniji fil-kampjun. Il-Kummissjoni lanqas ma għabbiet lill-GTĊ bl-identifikazzjoni ta' dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji, billi l-lista bl-ismijiet u l-indirizzi tal-banek, kif ukoll it-talba biex jibagħtu l-kwestjonarji, ġiet ipprovduta lill-GTĊ fil-bidu nett tal-investigazzjoni, f'Diċembru 2017. Dan ipprovda biżżejjed żmien biex il-GTĊ jikkonforma mat-talba tal-Kummissjoni. Madankollu, il-kwestjonarji tal-Kummissjoni effettivament intbagħtu biss mill-GTĊ lill-banek fit-28 ta' Marzu 2018, bi skadenza ta' tlett ijiem tax-xogħol biex il-banek iwieġbu. Dan id-dewmien ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni. Hija għalhekk ikkunsidrat li kienet għamlet l-almu tagħha biex tiffaċilita l-kompiti mitluba mill-GTĊ.

(141)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni kuntrarja riċevuta mill-GTĊ, il-Kummissjoni provviżorjament kellha toqgħod parzjalment fuq il-fatti disponibbli meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz ta' self preferenzjali.

3.2.1.2.   Assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni

(142)

Sinosure wieġbet parzjalment għall-kwestjonarju speċifiku rigward l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni pprovduta lill-kumpaniji fil-kampjun. Madankollu, Sinosure naqset milli tipprovdi d-dokumentazzjoni ta' sostenn mitluba fir-rigward tal-governanza korporattiva tagħha, bħar-Rapport Annwali tagħha jew l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tagħha, bl-argument li din kienet informazzjoni kunfidenzjali.

(143)

Sinosure lanqas ma tat informazzjoni speċifika dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni pprovduta lill-industrija tat-tajers, il-livell tal-primjums tagħha jew ċifri dettaljati relatati mal-profittabbiltà tan-negozju tagħha tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni.

(144)

Fin-nuqqas ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx irċeviet informazzjoni kruċjali rilevanti għal dan l-aspett tal-investigazzjoni.

(145)

Huwa l-fehim tal-Kummissjoni li l-informazzjoni mitluba minn entitajiet tal-Istat (kemm kumpaniji kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi/finanzjarji) hija disponibbli għall-GTĊ għall-entitajiet kollha fejn il-GTĊ huwa l-azzjonist ewlieni jew prinċipali. Dan huwa wkoll il-każ għal Sinosure, li hija entità kompletament tal-Istat. Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li jista' jkollha tirrikorri għall-użu ta' fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni.

(146)

Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni kif ukoll fil-kummenti għad-Dokument ta' Informazzjoni u għad-divulgazzjoni finali, il-GTĊ oġġezzjona għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, billi ġibed l-attenzjoni għall-fatt li Sinosure kienet ipprovdiet tweġiba għall-kwestjonarju, u kienet wieġbet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni waqt il-verifika fuq il-post.

(147)

Sinosure tabilħaqq ipprovdiet tweġiba għall-kwestjonarju u rappreżentanti minn Sinosure kienu preżenti fil-verifika fil-bini tal-GTĊ. Madankollu, kif imsemmi fil-premessi (142) u (143) hawn fuq, l-informazzjoni pprovduta ma kinitx kompluta, u ma ppermettietx lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet dwar partijiet kruċjali tal-investigazzjoni fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, jiġifieri jekk Sinosure hijiex korp pubbliku u jekk il-primjums imposti fuq il-kumpaniji inklużi fil-kampjun kinux konformi mas-suq.

(148)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li kellha toqgħod parzjalment fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni.

3.2.1.3.   Forniment ta' inputs b'remunerazzjoni inqas minn adegwata

(149)

L-ebda wieħed mill-produtturi tal-lastiku naturali, tal-lastiku sintetiku, tal-iswed tal-karbonju u tal-korda tan-najlon li kien ipprovda inputs lill-kumpaniji fil-kampjun ma wieġeb għall-kwestjonarji speċifiċi mressqa mill-GTĊ.

(150)

Skont il-GTĊ, huwa ma kellu ebda awtorità li jitlob informazzjoni mingħand il-fornituri tal-Istat li ma weġbux għall-kwestjonarju, peress li dawn joperaw b'mod indipendenti mill-GTĊ. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' din il-pożizzjoni. Huwa l-fehim tal-Kummissjoni li l-informazzjoni mitluba minn entitajiet tal-Istat (kemm kumpaniji kif ukoll istituzzjonijiet pubbliċi/finanzjarji) hija disponibbli għall-GTĊ għall-entitajiet kollha fejn il-GTĊ huwa l-azzjonist ewlieni jew prinċipali.

(151)

Barra minn hekk, il-GTĊ irrifjuta li jipprovdi sommarju bl-ismijiet u bl-istruttura tas-sjieda tal-produtturi Ċiniżi tal-inputs investigati, billi sostna li din kienet informazzjoni kunfidenzjali.

(152)

Billi l-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar il-governanza korporattiva tal-produtturi tal-Istat li pprovdew inputs lill-kumpaniji fil-kampjun, u l-ebda informazzjoni speċifika għall-kumpaniji dwar l-iffissar tal-prezzijiet tal-inputs ipprovduti mill-fornituri ta' inputs lill-kumpaniji fil-kampjun, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kinitx irċeviet informazzjoni kruċjali rilevanti għal dan l-aspett tal-investigazzjoni.

(153)

Għalhekk, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li jista' jkollha tirrikorri għall-użu ta' fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku meta teżamina l-eżistenza u l-firxa tal-allegat sussidjar mogħti permezz tal-għoti ta' inputs b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.

(154)

Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni kif ukoll fil-kummenti għad-Dokument ta' Informazzjoni, il-GTĊ oġġezzjona għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-forniment ta' inputs b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata, għall-istess raġunijiet kif żviluppat fil-premessa (137) hawn fuq. Rigward in-nuqqas ta' awtorità tal-GTĊ li jitlob informazzjoni mingħand il-produtturi, kif ukoll l-eżistenza ta' piż mhux raġonevoli impost fuq il-GTĊ, il-Kummissjoni żammet l-argument tagħha żviluppat fil-premessi (138) u (140) hawn fuq, li japplika wkoll għall-fornituri ta' inputs lill-kumpaniji fil-kampjun.

(155)

Din l-informazzjoni nieqsa prinċipalment tikkonċerna żewġ aspetti: l-ewwel, informazzjoni dwar l-istruttura ta' sjieda u ta' governanza tal-produtturi li ma kkooperawx. Mingħajr din l-informazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddetermina jekk dawn il-produtturi humiex entitajiet pubbliċi jew le. It-tieni, informazzjoni speċifika għall-kumpaniji mingħand il-produtturi li ma kkooperawx, bħal pereżempju informazzjoni dwar l-iffissar tal-prezzijiet ta' inputs ipprovduti lill-kumpaniji fil-kampjun. Din l-informazzjoni hija meħtieġa fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Bażiku sabiex jiġi stabbilit jekk id-dħul kienx ipprovdut f'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata lill-kumpaniji fil-kampjun. Barra minn hekk, tali informazzjoni setgħet tingħata biss mill-produtturi, u għalhekk ma setgħetx tiġi pprovduta permezz tar-risposti għall-kwestjonarju tal-kumpaniji fil-kampjun.

(156)

B'hekk, il-Kummissjoni sostniet li kellha toqgħod ukoll fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha dwar il-forniment ta' lastiku naturali, lastiku sintetiku, iswed tal-karbonju u korda tan-najlon b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata skont l-Artikolu 28(1).

3.2.2.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku għal produttur esportatur wieħed fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni

(157)

Xingyuan Group irrapporta fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju li huwa ma kellu ebda ftehim ta' assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Madankollu, wara ż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija kienet irċeviet għotjiet fil-forma ta' rifużjonijiet tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni mħallsa għas-sena 2016, li b'hekk ikopru l-perjodu tal-investigazzjoni. Id-dokumenti pprovduti ma jiċċarawx jekk dawn ir-rifużjonijiet jirrappreżentawx it-total tal-primjum imħallas mill-kumpanija għall-assigurazzjoni ta' esportazzjoni jew parti biss minnhom.

(158)

F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienet irċeviet informazzjoni falza jew qarrieqa.

(159)

Għalhekk, il-Kummissjoni nnotifikat lill-kumpanija li kienet se tikkunsidra li tibbaża s-sejbiet tagħha parzjalment fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku (jiġifieri sa fejn kienet tikkonċerna l-informazzjoni relatata mal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni).

(160)

Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni, il-kumpanija oġġezzjonat għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku rigward l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni. Hija sostniet li peress li ma kenitx tesporta direttament, ma kellha l-ebda riskju ta' kreditu. Għalhekk, il-kumpanija ma kellha bżonn l-ebda assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni u ma setgħetx tirċievi rifużjonijiet ta' primjums li ma kenitx ħallset.

(161)

Il-Kummissjoni aċċettat li l-kumpanija kienet tesporta biss indirettament lejn l-UE. Madankollu, l-allegazzjoni tal-kumpanija li ma kellhiex bżonn assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni u li ma setgħetx tirċievi rifużjonijiet għal primjum tal-assigurazzjoni li hija ma kinitx ħallset, kienet f'kontradizzjoni mal-evidenza fil-fajl, li kienet turi li l-kumpanija effettivament kienet irċeviet rifużjoni. Il-kumpanija naqset milli tispjega għaliex il-gvern kien se jipprovdi rifużjoni għal primjum li allegatament ma kienx tħallas. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li d-definizzjoni tad-drittijiet u l-obbligi bejn il-kumpanija u n-negozjanti tagħha li jbigħu lill-UE ma kinitx ċara. Fil-fatt, il-kumpanija wettqet xi formalitajiet tal-esportazzjoni f'isem in-negozjanti li kienu qed ibigħu lill-UE matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u rċeviet rinunzji ta' dazju fuq l-importazzjoni għal lastiku naturali użat f'tajers esportati, minkejja li ma esportathomx direttament.

(162)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida għall-kuntrarju mingħand il-kumpanija, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpanija kienet ipprovdiet informazzjoni żbaljata u mhux kompluta dwar l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni riċevuta matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk serrħet fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha fir-rigward tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal din il-kumpanija, li kienet tikkonsisti mill-ogħla ammont ta' sussidju li jikkonċerna l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni misjuba fil-kumpaniji l-oħra fil-kampjun.

3.2.3.   L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku għal produttur esportatur wieħed b'rabta mal-finanzjament preferenzjali

(163)

Huaqin Rubber Industry Group u Yanzhou Yinhe Power Plant Co. Ltd. naqsu milli jipprovdu informazzjoni kompluta dwar il-ftehimiet ta' self tagħhom.

(164)

Għalhekk, il-Kummissjoni nnotifikat lill-kumpaniji inkwistjoni li kienet se tikkunsidra li tibbaża s-sejbiet tagħha parzjalment fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku (jiġifieri sa fejn kienet ikkonċernata l-informazzjoni relatata ma' dawn il-ftehimiet). Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissjoni li infurmat lill-kumpaniji kkonċernati dwar il-possibbiltà ta' applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-regolament bażiku, huma oġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni b'mod ġenerali.

(165)

Madankollu, peress li ma ntbagħtet l-ebda evidenza dwar il-ftehimiet ta' self imsemmija fil-premessa (163) hawn fuq, il-Kummissjoni kompliet tiddependi parzjalment fuq il-fatti disponibbli għas-sejbiet tagħha fir-rigward ta' dawn il-ftehimiet ta' self.

3.3.   Sussidji u programmi ta' sussidju fil-kamp ta' applikazzjoni tal-investigazzjoni attwali

(166)

Abbażi tal-informazzjoni inkluża fl-ilment, fin-Notifika ta' Bidu u fit-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni, ġie investigat l-allegat sussidjar permezz tas-sussidji li ġejjin mill-GTĊ:

(i)

Self ta' politika preferenzjali, linji ta' kreditu, krediti tal-bejjiegħa tal-esportazzjoni u tax-xerrejja tal-esportazzjoni, finanzjament ieħor u garanziji;

(ii)

Assigurazzjoni tal-kreditu preferenzjali għall-esportazzjoni,

(iii)

Programmi ta' Għotjiet

Il-Programm Famous Brand;

Għotjiet ta' Għajnuna għall-Esportazzjoni, bħal pereżempju premjijiet għal intrapriżi esportaturi avvanzati jew għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni, premju għall-ipproċessar tal-kummerċ, għotjiet għal investiment 'il barra;

Għotjiet tal-Protezzjoni Ambjentali, bħal, pereżempju, il-Fond speċjali għar-riforma tat-teknoloġija li tiffranka l-enerġija, il-fond għat-teknoloġija tal-produzzjoni nadifa, inċentivi għall-Protezzjoni Ambjentali u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi;

Għotjiet relatati mat-titjib jew it-trasformazzjoni fit-teknoloġija, bħal, pereżempju, is-Sussidji tal-Fond Statali għal Proġetti Teknoloġiċi Ewlenin, il-promozzjoni ta' kompiti tar-R&Ż skont Pjanijiet ta' Appoġġ għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Promozzjoni tal-Aġġustament, tar-Rivitalizzazzjoni u tar-Rinnovament fit-Teknoloġija fl-Industriji Ewlenin;

sussidji ad hoc mogħtija mill-awtoritajiet muniċipali/provinċjali;

(iv)

Dħul mitluf permezz ta' Programmi ta' Eżenzjoni u Tnaqqis tat-Taxxa Diretta

Privileġġi tal-EIT għal Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida;

Tpaċija tal-EIT għar-riċerka u l-iżvilupp;

Politiki tat-taxxa preferenzjali għar-Reġjun tal-Punent;

Eżenzjoni jew tnaqqis tat-Taxxa fuq l-Użu tal-Art;

Skontijiet lokali fuq it-taxxa;

(v)

Dħul mitluf permezz ta' Programmi tat-Taxxa Indiretta u t-Tariffi tal-Importazzjoni

Eżenzjonijiet mill-VAT u tnaqqis tat-tariffa tal-importazzjoni għall-użu ta' tagħmir u teknoloġija importati;

Eżenzjonijiet ta' tariffi fuq l-importazzjoni għall-ipproċessar tal-kummerċ;

(vi)

Il-provvista ta' prodotti u servizzi mill-gvern għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata (less than adequate remuneration, LTAR)

Forniment mill-gvern ta' lastiku naturali b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

Forniment mill-gvern ta' lastiku sintetiku b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

Il-provvista ta' iswed tal-karbonju mill-gvern b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

Forniment mill-gvern ta' korda tan-najlon b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

Forniment mill-gvern ta' elettriku b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

Forniment mill-gvern ta' art u drittijiet tal-użu tal-art b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

3.4.   Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: self

(167)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-erba' gruppi ta' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, 32 istituzzjoni finanzjarja li jinsabu fir-RPĊ kienu pprovdewlhom self. Minn dawn il-32 istituzzjoni finanzjarja, 27 kienu banek tal-Istat (37). Il-ħames istituzzjonijiet finanzjarji l-oħra kienu ta' sidien privati. Madankollu, tliet banek tal-Istat biss imlew il-kwestjonarju speċifiku, minkejja talba lill-GTĊ li kopriet l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li kienu pprovdew self lill-kumpaniji fil-kampjun.

3.4.1.   Banek tal-Istat li jaġixxu bħala korpi pubbliċi

(168)

Il-Kummissjoni vverifikat jekk il-banek tal-Istat kinux qegħdin jaġixxu bħala korpi pubbliċi fis-sens tal-Artikoli 3 u 2 (b) tar-Regolament bażiku. F'dan ir-rigward, it-test applikabbli biex jiġi stabbilit li impriża tal-Istat hija korp pubbliku huwa kif ġej (38): “Li jgħodd hu jekk entità jkollhiex l-awtorità li teżerċita l-funzjonijiet governattivi tagħha, iktar milli kif din l-awtorità tkun inkisbet. Hemm modi differenti ta' kif il-gvern fis-sens ristrett jista' jipprovdi lill-entitajiet b'awtorità. Għaldaqstant, tipi differenti ta' evidenza jistgħu jkunu rilevanti biex jintwera li tali awtorità tkun ingħatat lil entità partikolari. Evidenza li entità, fil-fatt, tkun qiegħda teżerċita l-funzjonijiet governattivi tagħha tista' sservi bħala evidenza li din għandha jew ingħatat awtorità governattiva, b'mod partikolari fejn tali evidenza tipponta lejn prattika sostnuta u sistematika. Minn dan isegwi, fil-fehma tagħna, li evidenza li gvern jeżerċita kontroll sinifikanti fuq entità u l-imġiba tagħha tista' sservi, f'ċerti ċirkostanzi, bħala evidenza li l-entità rilevanti għandha awtorità governattiva u teżerċita tali awtorità fit-twettiq ta' funzjonijiet governattivi. Madankollu, aħna nenfasizzaw li, apparti minn delega espliċita ta' awtorità fi strument legali, l-eżistenza ta' sempliċi rabtiet formali bejn entità u gvern fis-sens dejjaq tal-kelma x'aktarx ma tkunx biżżejjed biex jiġi stabbilit il-pussess neċessarju ta' awtorità governattiva. Għalhekk, pereżempju, is-sempliċi fatt li gvern ikun l-azzjonista maġġoritarju ta' entità ma jurix li l-gvern jeżerċita kontroll sinifikanti fuq l-imġiba ta' dik l-entità, u ferm inqas li l-gvern taha awtorità governattiva. F'xi okkażjonijiet, madankollu, fejn l-evidenza tkun turi li jkun hemm bosta indizji formali ta' kontroll tal-gvern u jkun hemm ukoll evidenza li dan il-kontroll ikun ġie eżerċitat b'mod sinifikanti, evidenza bħal din tista' tippermetti l-inferenza li l-entità kkonċernata tkun qed teżerċita awtorità governattiva.” Fil-każ preżenti, il-konklużjoni li l-banek tal-Istat jgawdu l-awtorità li jeżerċitaw funzjonijiet governattivi hija bbażata fuq indizji formali ta' kontroll tal-gvern u evidenza li turi li dan ġie eżerċitat b'mod sinifikanti.

(169)

Il-Kummissjoni fittxet informazzjoni dwar is-sjieda tal-Istat, kif ukoll indizji formali ta' kontroll tal-gvern fil-banek tal-Istat. Hija analizzat ukoll jekk il-kontroll kienx ġie eżerċitat b'mod sinifikanti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni kellha parzjalment tiddependi fuq il-fatti disponibbli minħabba r-rifjut tal-GTĊ u tal-banek tal-istat li jipprovdu evidenza dwar il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet li kien wassal għas-self preferenzjali.

(170)

Sabiex twettaq din l-analiżi, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat l-informazzjoni għat-tliet banek tal-Istat li kienu mlew il-kwestjonarju speċifiku u ppermettew li ssir verifika.

3.4.1.1.   Il-banek tal-Istat li kkooperaw

(171)

It-tliet banek tal-Istat li ġejjin ipprovdew tweġiba għall-kwestjonarju, li ġiet ivverifikata fuq il-post: EXIM, ABC, u BOC.

(a)    Is-sjieda u l-indizji formali tal-kontroll mill-GTĊ

(172)

Abbażi tal-informazzjoni li rċeviet fit-tweġiba għall-kwestjonarju u matul iż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-GTĊ kellu, direttament jew indirettament, aktar minn 50 % tal-ishma f'kull waħda minn dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji.

(173)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-indizji formali tal-kontroll mill-gvern tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw, il-Kummissjoni kkwalifikathom kollha bħala “istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ewlenin”. B'mod partikolari, l-avviż “Regolamenti Interim dwar il-Bord tas-Superviżuri f'Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Istat Ewlenin” jgħid li: “L-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ewlenin imsemmija f'dawn ir-Regolamenti jirreferu għal banek pubbliċi tal-Istat, banek kummerċjali, kumpaniji tal-ġestjoni tal-assi finanzjarji, kumpaniji tat-titoli, kumpaniji tal-assigurazzjoni, eċċ. (li minn hawn 'il quddiem issir referenza għalihom bħala istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat), li lilhom il-Kunsill tal-Istat jibgħat bordijiet ta' superviżuri”.

(174)

Il-Bord tas-Superviżuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ewlenin huwa maħtur skont ir- “Regolamenti Interim tal-Bord tas-Superviżuri tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Istat Ewlenin”. Abbażi tal-Artikoli 3 u 5 ta' dawn ir-Regolamenti Interim, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-Membri tal-Bord tas-Superviżuri huma maħtura mill-Kunsill tal-Istat u responsabbli lejh, u dan juri l-kontroll istituzzjonali tal-Istat fuq l-attivitajiet kummerċjali tal-banek tal-Istat li kkoperaw. Minbarra dawn l-indizji ġeneralment applikabbli, il-Kummissjoni sabet dan li ġej fir-rigward tat-tliet banek tal-Istat:

EXIM

(175)

EXIM ġie ffurmat u jopera skont “L-Avviż tat-Twaqqif tal-Export-Import Bank of China” maħruġ mill-Kunsill tal-Istat, kif ukoll skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-EXIM. Skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tiegħu, l-Istat jinnomina direttament il-maniġment ta' EXIM. Il-Bord tas-Superviżuri huwa maħtur mill-Kunsill tal-Istat skont ir- “Regolamenti Interim dwar il-Bordijiet tas-Superviżuri f'Istituzzjonijiet Finanzjarji tal-Istat Ewlenin” (id-Digriet tal-Kunsill tal-Istat Nru 282) u liġijiet u regolamenti oħra, u huwa responsabbli lejn il-Kunsill tal-Istat.

(176)

L-Istatut ta' Assoċjazzjoni jsemmi wkoll li l-Kumitat tal-Partit tal-EXIM għandu rwol ewlieni u politiku biex jiżgura li l-politiki u l-iskjerament maġġuri tal-Partit u l-Istat jiġu implimentati mill-EXIM. It-tmexxija tal-Partit hija integrata fl-aspetti kollha tal-governanza korporattiva.

(177)

L-Istatut ta' Assoċjazzjoni jiddikjara wkoll li EXIM hu ddedikat biex jappoġġa l-iżvilupp tal-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika barranija, l-investiment transfruntier, l-Inizjattiva “One Belt One Road”, il-kooperazzjoni fil-kapaċità internazzjonali u l-manifattura tat-tagħmir. Il-kamp ta' applikazzjoni tan-negozju tiegħu jinkludi self fuq medda ta' żmien qasir, medju u fit-tul kif approvat u skont il-politiki tal-kummerċ barrani u tal-“ħruġ” tal-Istat, bħal kreditu għall-esportazzjoni, kreditu għall-importazzjoni, self barrani ta' inġinerija b'kuntratt barrani, self ta' investiment barrani, self tal-gvern Ċiniż għall-għajnuna barranija u self lix-xerrejja tal-esportazzjoni.

ABC

(178)

Kif imsemmi fl-Artikolu 137 tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni ta' ABC, il-GTĊ, fil-kapaċità tiegħu ta' azzjonist ewlieni b'parteċipazzjoni azzjonarja ta' 79,62 %, għandu s-setgħa li jaħtar id-Diretturi kollha fil-Bord tad-Diretturi. L-istess japplika għall-Bord tas-Superviżuri skont l-Artikolu 204 tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni.

(179)

Barra minn hekk, skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-ABC, il-Bord tad-Diretturi jiddetermina l-istrateġija tal-bank, jiddeċiedi dwar il-baġit tal-bank, jieħu deċiżjonijiet dwar investimenti, jaħtar il-President u s-Segretarju tal-Bord tal-bank u jistabbilixxi u jimmonitorja s-sistema ta' ġestjoni tar-riskju tal-bank. Din il-lista mhux eżawrjenti ta' responsabbiltajiet turi l-kontroll istituzzjonali tal-Istat fuq in-negozju ta' kuljum tal-ABC.

(180)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat, inklużi l-ABC u l-BOC, bidlu l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tagħhom fl-2017 biex iżidu r-rwol tal-Partit Komunista taċ-Ċina (China Communist Party, CCP) fl-ogħla livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-banek.

(181)

Dan l-Istatut ta' Assoċjazzjoni l-ġdid jistipula li:

(182)

il-President tal-Bord tad-Diretturi għandu jkun l-istess persuna bħas-Segretarju tal-Kumitat tal-Partit;

(183)

ir-rwol tas-CCP huwa li jiżgura u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Bank tal-politiki u l-linji gwida tas-CCP u tal-Istat; kif ukoll li jkollu rwol ta' tmexxija u ta' żamma tan-negozju fil-ħatra tal-persunal (inkluż il-maniġment superjuri); u

(184)

l-opinjonijiet tal-Kumitat tal-Partit għandhom jinstemgħu mill-Bord tad-Diretturi biex jittieħdu deċiżjonijiet ewlenin.

BOC

(185)

Kif issemmi fl-Artikolu 125 tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni, il-GTĊ, fil-kapaċità tiegħu ta' azzjonist ewlieni b'parteċipazzjoni azzjonarja ta' 64,63 %, għandu s-setgħa li jaħtar kemm id-Diretturi eżekuttivi kif ukoll dawk mhux eżekuttivi tal-bank, li jikkostitwixxu l-Bord tad-Diretturi.

(186)

Barra minn hekk, skont l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-BOC, il-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi, fost oħrajn, il-prinċipji strateġiċi, il-pjanijiet tan-negozju u l-pjanijiet ta' investiment maġġuri tal-istituzzjonijiet finanzjarji, jaħtar jew ineħħi lil persunal f'karigi għolja, bħall-President u s-Segretarju tal-Bord, il-Viċi President u membri tal-persunal oħrajn fil-maniġment għoli. Il-Bord jiddeċiedi wkoll dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet waqt il-laqgħa tal-azzjonisti u japprova l-politiki ta' governanza korporattiva. Din il-lista mhux eżawrjenti ta' responsabbiltajiet turi l-kontroll istituzzjonali tal-Istat fuq in-negozju ta' kuljum tal-BOC.

(187)

Barra minn hekk, l-istipulazzjonijiet il-ġodda dwar ir-rwol tas-CCP imsemmija fil-premessa (181) hawn fuq japplikaw ukoll għall-BOC.

(b)    Evidenza li turi li l-Gvern eżerċita kontroll sinifikanti fuq l-imġiba ta' dawk l-istituzzjonijiet

(188)

Il-Kummissjoni fittxet aktar informazzjoni dwar jekk il-GTĊ eżerċitax kontroll sinifikanti fuq l-imġiba tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw fir-rigward tal-politiki tas-self tagħhom u l-valutazzjoni tar-riskju, fejn ipprovdew self lill-industrija tat-tajers. F'dan ir-rigward, ittieħdu f'kunsiderazzjoni d-dokumenti regolatorji li ġejjin:

L-Artikolu 34 tal-Liġi tar-RPĊ dwar il-Banek Kummerċjali (“il-Liġi Bankarja”);

L-Artikolu 15 tar-Regoli Ġenerali dwar is-Self (implimentat mill-People's Bank of China)

Il-Kapitolu 4 tat-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin,

Id-Deċiżjoni Nru 40;

Preambolu tal-Politika tal-Industrija tat-Tajers

Implementing Measures of the China Banking Regulatory Commission (“CBRC”) for Administrative Licensing Matters for Chinese-funded Commercial Banks (Miżuri ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Regolatorja Bankarja taċ-Ċina (China Banking Regulatory Commission, CBRC) għal Kwistjonijiet ta' Liċenzji Amministrattivi għall-Banek Kummerċjali ffinanzjati miċ-Ċina) (l-Ordni tas-CBRC [2017] Nru 1)

Implementing Measures of the CBRC for Administrative Licensing Matters relating to Foreign-funded Banks (Miżuri ta' Implimentazzjoni tas-CBRC għall-Kwistjonijiet Amministrattivi ta' Liċenzjar relatati ma' Banek b'Finanzjament Barrani) (Ordni tas-CBRC [2015] Nru 4)

Administrative Measures for the Qualifications of Directors and Senior Officers of Financial Institutions in the Banking Sector (Miżuri Amministrattivi għall-Kwalifiki tad-Diretturi u tal-Uffiċjali Anzjani tal-Istituzzjonijiet Finanzjarji fis-Settur Bankarju) (CBRC [2013] Nru 3)

(189)

Meta eżaminat dawn id-dokumenti regolatorji, il-Kummissjoni sabet li l-istituzzjonijiet finanzjarji fir-RPĊ qed joperaw f'ambjent legali ġenerali li jidderiġihom sabiex jallinjaw ruħhom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-GTĊ meta jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji, għar-raġunijiet li ġejjin.

(190)

Fir-rigward tal-EXIM, il-mandat ta' politika pubblika tiegħu huwa stabbilit fin-notifikazzjoni li jiġi stabbilit Import Export Bank of China kif ukoll fl-Istatut ta' Assoċjazzjoni tiegħu.

(191)

Fuq livell ġenerali, l-Artikolu 34 tal-Liġi Bankarja, li tapplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha li joperaw fiċ-Ċina, jistipula li “Banek kummerċjali għandhom iwettqu n-negozju ta' self tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat”. Għalkemm l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja jiddikjara li “Banek kummerċjali għandhom, skont il-liġi, iwettqu operazzjonijiet tan-negozju mingħajr interferenza minn kwalunkwe unità jew individwu. Il-banek kummerċjali għandhom b'mod indipendenti jassumu responsabbiltà ċivili bil-proprjetà tagħhom kollha bħala persuna ġuridika”, l-investigazzjoni wriet li l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja huwa applikat soġġett għall-Artikolu 34 tal-Liġi Bankarja, jiġifieri fejn l-Istat jistabbilixxi politika pubblika, il-banek jimplimentawha u jsegwu l-istruzzjonijiet tal-Istat.

(192)

Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regoli Ġenerali dwar is-Self jistipula li: “F'konformità mal-politika tal-Istat, id-dipartimenti rilevanti jistgħu jissussidjaw l-imgħaxijiet fuq is-self, bil-ħsieb li jippromwovu t-tkabbir ta' ċerti industriji u l-iżvilupp ekonomiku f'xi oqsma.

(193)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-GTĊ kkummenta li l-Kummissjoni kienet interpretat ħażin l-Artikolu 34 tal-liġi Bankarja. L-Artikolu 34 ma għandux jiġi interpretat f'iżolament, u l-Artikolu 4, bħala parti mid-Dispożizzjonijiet Ġenerali, għandu effett ġenerali fuq il-bqija tal-Artikoli tal-liġi. Madankollu, is-sejbiet ta' din l-investigazzjoni (kif ukoll is-sejbiet tal-Kummissjoni f'investigazzjonijiet preċedenti dwar l-istess programm ta' sussidju) (39) ma sostnewx il-pretensjoni li l-banek ma jikkunsidrawx il-politika u l-pjanijiet tal-gvern meta jieħdu deċiżjonijiet dwar self. Hija pjuttost ikkonfermat il-kuntrarju, kif ġie deskritt fil-premessi (202) sa (206) hawn taħt. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-Artikolu 4 tal-Liġi Bankarja ma kienx iwaqqaf lill-banek kummerċjali milli jqisu l-politika u l-pjanijiet industrijali tal-gvern.

(194)

Il-GTĊ talab ukoll li jiġi injorat l-Artikolu 15 tar-Regoli Ġenerali dwar is-Self, peress li kien stabbilit aktar minn 20-il sena ilu, u baqa' inattiv għal perjodu twil. Madankollu, il-GTĊ fl-istess ħin irrikonoxxa li r-Regoli Ġenerali dwar is-Self kienu għadhom ma ġewx irrevokati formalment. Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li r-referenza tagħha għar-Regoli Ġenerali dwar is-Self tibqa' valida.

(195)

Il-politika industrijali tal-Istat hija stabbilita permezz ta' ppjanar ċentrali, kif spjegat fit-taqsima 3.1 hawn fuq. Fir-rigward tal-industrija tat-tajers, il-kapitolu 5 tat-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin jistipula li “Tissaħħaħ il-konnessjoni bejn il-politiki finanzjarji, fiskali u kummerċjali u l-politiki industrijali. Jitwettqu politiki dwar il-konnessjoni bejn il-banek u l-intrapriżi u l-kooperazzjoni fil-produzzjoni. Jissaħħaħ l-appoġġ tal-finanzjament għal intrapriżi ewlenin u proġetti ewlenin. Isir użu minn mezzi ta' kapital speċjali eżistenti (proġetti u fondi speċjali, eċċ.) biex jitkompla l-appoġġ għat-titjib industrijali u r-rikostruzzjoni teknika”.

(196)

Barra minn hekk, il-Politika tal-Industrija tat-Tajers “għanda sservi bħala l-bażi għad-dipartimenti relevanti kollha” fir-rigward ta' “finanzjament ta' kreditu għal proġetti tal-industrija tat-tajers bħal dawn”.

(197)

B'mod simili, id-Deċiżjoni Nru 40 tagħti struzzjonijiet lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha biex jipprovdu appoġġ ta' kreditu b'mod speċifiku għall-proġetti “inċentivati”. Kif diġà ġie spjegat fit-taqsima 3.1, il-proġetti tal-industrija tat-tajers jappartjenu għall-kategorija “inċentivata”. Id-Deċiżjoni Nru 40 għalhekk tikkonferma l-konklużjonijiet preċedenti fir-rigward tal-Liġi bankarja li l-banek jeżerċitaw awtorità governattiva fil-forma ta' operazzjonijiet ta' kreditu preferenzjali.

(198)

Bi tweġiba għad-Dokument ta' Informazzjoni, il-GTĊ kkummenta li d-Deċiżjoni Nru 40 tippermetti biss appoġġ ta' kreditu jekk dan ikun ibbażat fuq il-prinċipji ta' self ta' kreditu. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-Artikoli 17 u 18 tal-istess Deċiżjoni jitolbu wkoll lill-banek sabiex jirrispettaw il-prinċipji tal-kreditu. Madankollu, kif spjegat f'aktar dettall fil-premessi (202) sa (206) hawn taħt, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi li dan sar fil-prattika.

(199)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li ċ-China Banking and Regulatory Commission (“CBRC”) għandha awtorità tal-approvazzjoni wiesgħa fuq l-aspetti kollha tal-immaniġġjar tal-istituzzjonijiet finanzjarji kollha stabbiliti fir-RPĊ (inkluż istituzzjonijiet finanzjarji bi sjieda privata u dawk ta' sjieda barranija), bħal (40):

approvazzjoni tal-ħatra tal-maniġers kollha tal-istituzzjonijiet finanzjarji, kemm fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tal-fergħat lokali. L-approvazzjoni tas-CBRC hija meħtieġa għar-reklutaġġ tal-livelli kollha tal-maniġment, mill-aktar pożizzjonijiet għolja sal-maniġers tal-fergħat, u tinkludi wkoll maniġers maħtura f'fergħat barranin kif ukoll maniġers responsabbli għall-funzjonijiet ta' appoġġ (pereżempju, il-maniġers tal-IT); u

lista twila ħafna ta' approvazzjonijiet amministrattivi, inklużi approvazzjonijiet għat-twaqqif ta' fergħat, għall-ftuħ ta' linji ġodda ta' negozju jew għall-bejgħ ta' prodotti ġodda, għal bdil tal-Istatut ta' Assoċjazzjoni tal-bank, għall-bejgħ ta' aktar minn 5 % tal-ishma tagħhom, għal żidiet fil-kapital, għal bidliet ta' domiċilju, għal bidliet fil-forma organizzattiva, eċċ.

(200)

Il-Liġi Bankarja hija legalment vinkolanti. In-natura obbligatorja tal-Pjanijiet ta' Ħames Snin u tad-Deċiżjoni Nru 40 ġiet stabbilita hawn fuq fit-taqsima 3.1. In-natura obbligatorja tad-dokumenti regolatorji tas-CBRC tirriżulta mis-setgħat tagħha bħala l-awtorità regolatorja bankarja. In-natura obbligatorja ta' dokumenti oħra tidher permezz tal-klawżoli ta' superviżjoni u evalwazzjoni li fihom.

(201)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv li kellu jiġi rispettat mill-maniġers u mis-superviżuri maħtura mill-GTĊ u li huma responsabbli lejn il-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ qagħad fuq il-qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b'mod sinifikanti fuq l-imġiba tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw kull meta dawn kienu qed jipprovdu self lill-industrija tat-tajers.

(202)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll prova konkreta tal-eżerċizzju ta' kontroll b'mod sinifikanti abbażi ta' self konkret. Matul iż-żjara ta' verifika, it-tliet banek tal-Istat li kkooperaw saħqu li fil-prattika kienu użaw politiki u mudelli sofistikati ta' valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu meta taw is-self inkwistjoni. Matul iż-żjara ta' verifika għand il-GTĊ, l-ABC u r-rappreżentanti tal-BOC indikaw ukoll li huma kienu naqqsu l-iskopertura kumplessiva tal-kreditu tagħhom għall-industrija tat-tajers matul l-aħħar sentejn, minħabba li sabu xi kwistjonijiet relatati mal-kapaċità żejda fis-settur.

(203)

Madankollu, ma ġew ipprovduti l-ebda eżempji konkreti relatati mal-kumpaniji inklużi fil-kampjun. It-tliet banek tal-Istat li kkooperaw irrifjutaw li jipprovdu informazzjoni, inklużi l-valutazzjonijiet tar-riskju ta' kreditu speċifiku tagħhom, relatati mal-kumpaniji inklużi fil-kampjun għal raġunijiet regolatorji u għal raġunijiet kuntrattwali anki jekk il-Kummissjoni kienet ipprovdiethom b'kunsens bil-miktub mingħand il-kumpaniji fil-kampjun li rrinunzjaw id-drittijiet ta' kunfidenzjalità tagħhom.

(204)

Fin-nuqqas ta' evidenza konkreta tal-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja, il-Kummissjoni għalhekk eżaminat l-ambjent legali ġenerali kif stabbilit hawn fuq fil-premessi (188) sa (201), flimkien mal-imġiba tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw fir-rigward tas-self ipprovdut lill-kumpaniji fil-kampjun. Din l-imġiba kkuntrastat mal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom matul iż-żjara ta' verifika, peress li fil-prattika ma kinux qed jaġixxu abbażi ta' valutazzjonijiet tar-riskju bbażati fuq is-suq.

(205)

Iż-żjarat ta' verifika wrew li bl-unika eċċezzjoni ta' ċertu self f'munita barranija, ingħataw selfiet lill-erba' gruppi ta' produtturi esportaturi fil-kampjun b'rati tal-imgħax qrib ir-rati ta' imgħax tal-punt ta' riferiment tal-People's Bank of China (“PBOC”), irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u mir-riskju ta' kreditu tal-kumpaniji. Għaldaqstant, is-selfiet ingħataw b'inqas mir-rati tas-suq meta mqabbla mar-rata li tikkorrispondi mal-profil tar-riskju tal-erba' produtturi esportaturi fil-kampjun. Barra minn hekk, il-kumpaniji kollha fil-kampjun kienu rċevew self rotanti, li ppermettielhom jissostitwixxu minnufih il-kapital imħallas lura fuq is-self fid-data tal-maturità permezz ta' kapital ġdid minn self ġdid. Fil-każ ta' tnejn mill-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun, l-iskedi ta' pagamenti ġew ristrutturati jew id-dejn inħafer minħabba diffikultajiet finanzjarji.

(206)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li s-self li kellu jiġi rrappurtat mill-banek bħala self “mhux normali” mhux dejjem kien indikat bħala tali fir-reġistru ta' kreditu ċentrali nazzjonali mit-tliet banek tal-Istat li kkooperaw. L-obbligu li jiġi rrappurtat tali “self mhux normali” jeżisti b'mod partikolari meta s-self ikun ġie ristrutturat, meta d-debitur ikun naqas milli jħallas il-pagamenti dovuti tiegħu, jew meta jkun inħareġ self rotanti. Tali okkorrenzi nstabu għall-erba' gruppi kollha ta' produtturi esportaturi fil-kampjun. Skont il-“Linji Gwida dwar il-klassifikazzjoni ta' self ibbażat fuq ir-riskju” tas-CBRC, dawn il-każijiet kollha kellhom jiġu inklużi fir-reġistru ċentrali tal-kreditu. Dan in-nuqqas ta' rapportar mill-istituzzjonijiet finanzjarji jwassal għal stampa mgħawġa tas-sitwazzjoni kreditizja tal-kumpanija fir-reġistru ċentrali tal-kreditu, minħabba li r-reġistru ma jurix l-affidabbiltà kreditizja reali tal-kumpanija. Bħala riżultat, anki jekk istituzzjoni finanzjarja kellha tapplika valutazzjoni tar-riskju bbażata fuq is-suq, kien ikollha tagħmel dan abbażi ta' informazzjoni mhux preċiża.

(207)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod provviżorju li l-GTĊ eżerċita kontroll sinifikanti fuq l-imġiba tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw fir-rigward tal-politiki tas-self tagħhom u l-valutazzjoni tar-riskju li tikkonċerna l-industrija tat-tajers.

(c)    Konklużjoni dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji li kkooperaw

(208)

Il-Kummissjoni sabet li l-qafas legali stabbilit hawn fuq qed jiġi implimentat mit-tliet istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat li qed jikkooperaw fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet governattivi fir-rigward tas-settur tat-tajers, u b'hekk jaġixxi bħala korpi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku u skont il-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO.

3.4.1.2.   Banek tal-Istat li ma kkooperawx

(209)

Kif stabbilit fit-taqsima 3.2 hawn fuq, l-ebda bank tal-Istat ieħor li pprovda self lill-kumpaniji fil-kampjun ma wieġeb għall-kwestjonarju speċifiku. Għalhekk, skont il-konklużjonijiet li ntlaħqu fil-premessi (127) sa (136) hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża l-fatti disponibbli biex tiddetermina jekk dawk il-banek tal-Istat jikkwalifikawx bħala korpi pubbliċi.

(210)

Fl-investigazzjoni antisussidji fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti ċatti b'laminazzjoni termali tal-ħadid, azzar mhux illigat jew liga oħra tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (41), il-Kummissjoni stabbiliet li l-banek li ġejjin li kienu pprovdew self lill-erba' gruppi ta' produtturi esportaturi fil-kampjun fl-investigazzjoni inkwistjoni kienu parzjalment jew kompletament proprjetà tal-Istat innifsu jew ta' persuni ġuridiċi li kienu proprjetà tal-Istat: China Development Bank, China Construction Bank, Industrial and Commercial Bank of China, Bank of Communications, China Everbright Bank, Postal Savings Bank, China Merchants Bank, Shanghai Pudong Development Bank, China Industrial Bank, Shenyang Rural Commercial Bank, Bank of Shanghai, Ningbo Bank, China CITIC Bank, China Guangfa Bank, China Bohai Bank, Huaxia Bank.

(211)

Bl-użu ta' informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, bħas-sit web tal-bank, rapporti annwali, informazzjoni disponibbli f'direttorji bankarji jew fuq l-Internet, il-Kummissjoni barra minn hekk sabet li l-banek li ġejjin li kienu pprovdew self lill-erba' gruppi ta' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kienu parzjalment jew kompletament proprjetà tal-Istat innifsu jew ta' persuni ġuridiċi li huma proprjetà tal-Istat:

Isem il-Bank

Informazzjoni dwar l-istruttura tas-sjieda

Hankou Bank

mill-inqas 34,86 % tal-ishma miżmuma minn entitajiet tal-Istat

Hubei Bank

mill-inqas 42,55 % tal-ishma miżmuma mill-gvern lokali u SOEs

Huishang Bank

prinċipalment proprjetà tal-Istat, b'ishma dilwiti fost ħafna SOEs u entitajiet assoċjati mal-gvern lokali

Dongying Bank

Dongying City Bureau of Finance għandha 20,88 %, u Dongying State-owned Assets Operation Co., Ltd. għandha 11,14 %

Bank of Tianjin

mill-inqas 40, 2 % tal-ishma miżmuma mill-gvern lokali u l-SOEs

Bank of Kunlun

proprjetà ta' China National Petroleum Corporation (SOE)

Shanghai Rural Commercial Bank

L-ishma tal-SOEs jirrappreżentaw 35,52 % tal-kapital azzjonarju

China Industrial International Trust Limited

sussidjarja ta' Industrial Bank, li nstabet li hija proprjetà tal-Istat fl-investigazzjoni antisussidji dwar l-HRF (42)

Daye Trust Co., Ltd.

sussidjarja ta' China Orient Asset Mgt Co. Ltd, (Kumpanija tal-Ġestjoni tal-Assi bi sjieda tal-Istat)

Sinotruk Finance Co., Ltd.

proprjetà ta' Sinotruk (SOE)

(212)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet ukoll, fin-nuqqas ta' informazzjoni speċifika mill-istituzzjonijiet finanzjarji inkwistjoni li tindika mod ieħor, is-sjieda u l-kontroll tal-GTĊ abbażi ta' indizji formali għall-istess raġunijiet ippreżentati hawn fuq fit-taqsima 3.4.1.1. B'mod partikolari, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, il-maniġers u s-superviżuri fil-banek tal-Istat li ma kkooperawx huma preżunti li nħatru mill-GTĊ u li huma responsabbli lejn il-GTĊ bl-istess mod bħal fit-tliet banek tal-Istat li kkooperaw.

(213)

Fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kontroll b'mod sinifikanti, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sejbiet dwar it-tliet istituzzjonijiet finanzjarji li kkooperaw, li ammontaw għal parti sostanzjali mis-self lill-erba' gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni (li jvarjaw minn 30 % sa 50 % skont il-kumpanija) jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi wkoll tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat li ma kkooperawx. Il-qafas normattiv analizzat fit-taqsima 3.4.1.1. (b) ta' hawn fuq japplika għalihom b'mod identiku. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni kuntrarja, ibbażata fuq l-aħjar fatti disponibbli, in-nuqqas ta' evidenza konkreta tal-valutazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja huwa validu għalihom bl-istess mod bħal tat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw, sabiex l-analiżi dwar l-applikazzjoni konkreta tal-qafas normattiv fit-taqsima 3.4.1.1. (b) hawn fuq tapplika għalihom b'mod identiku.

(214)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li l-maġġoranza tal-kuntratti ta' self li l-Kummissjoni kisbet mingħand il-kumpaniji fil-kampjun kellhom kundizzjonijiet simili u li r-rati ta' self li ġew miftiehma kienu simili u kkoinċidew parzjalment mar-rati pprovduti mit-tliet banek tal-Istat li kkooperaw.

(215)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset b'mod provviżorju li s-sejbiet għat-tliet banek tal-Istat li kkooperaw kienu jikkostitwixxu l-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku biex jiġu vvalutati l-banek tal-Istat l-oħrajn, minħabba dawk is-similaritajiet fil-kundizzjonijiet tas-self u r-rati tas-self u r-rappreżentattività tat-tliet istituzzjonijiet finanzjarji li kienu vverifikati.

(216)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod provviżorju li l-banek tal-Istat l-oħrajn li jipprovdu self lill-kumpaniji fil-kampjun huma korpi pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikoli 3 u 2(b) tar-Regolament bażiku.

3.4.1.3.   Konklużjoni dwar l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat

(217)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi kollha tal-Istat li pprovdew self lill-erba' gruppi inklużi fil-kampjun ta' produtturi esportaturi li kkooperaw huma korpi pubbliċi fit-tifsira tal-Artikoli 3 u 2 (b) tar-Regolament bażiku.

(218)

Barra minn hekk, anki jekk l-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat ma kellhomx jiġu kkunsidrati bħala korpi pubbliċi, il-Kummissjoni sabet li huma kienu se jitqiesu wkoll bħala inkarigati u ggwidati mill-GTĊ sabiex iwettqu funzjonijiet normalment vestiti fil-gvern, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) (iv) tar-Regolament bażiku għall-istess raġunijiet, kif stabbilit fil-premessi (220) sa (223) hawn taħt. B'hekk, f'kull każ, l-imġiba tagħhom jiġi attribwit lill-GTĊ.

3.4.2.   L-inkarigu d-direzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji privati

(219)

Imbagħad, il-Kummissjoni daret lejn l-istituzzjonijiet finanzjarji li kien fadal. Il-ħames istituzzjonijiet finanzjarji li ġejjin kienu meqjusa bħala ta' proprjetà privata, abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-każ HRF (43), u kkumplimentati minn informazzjoni disponibbli pubblikament: JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina), HSBC, Ping An Bank, Bank of Qingdao, Bank of Beijing. Il-Kummissjoni analizzat jekk dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji kinux ġew fdati jew mogħtija direzzjonijiet mill-Gvern taċ-Ċina sabiex jagħtu sussidji lis-settur tat-tajers fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku.

(220)

Skont il-Korp tal-Appell tad-WTO, “inkarigu” jseħħ meta gvern jagħti responsabbiltà lil korp privat u “direzzjoni” tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn il-gvern jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq korp privat (44). Fiż-żewġ każijiet, il-gvern juża korp privat bħala aġent biex iwettaq il-kontribuzzjoni finanzjarja, u “fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, wieħed jistenna li l-inkarigu jew id-direzzjoni ta' korp privat tkun tinvolvi xi forma ta' theddida jew inċentivazzjoni” (45). Fl-istess ħin, il-paragrafu (iv) ma jippermettix lill-Membri li jimponu miżuri kompensatorji għall-prodotti “kull meta l-gvern ikun sempliċement qiegħed jeżerċita s-setgħat regolatorji ġenerali tiegħu” (46) jew fejn l-intervent tal-gvern “jista' jew ma jistax ikollu riżultat partikolari sempliċement fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi fattwali mogħtija u l-eżerċizzju ta' għażla libera mill-atturi f'dak is-suq” (47). Minflok, l-inkarigu u d-direzzjoni jimplikaw “rwol aktar attiv tal-gvern minn sempliċi atti ta' inkoraġġiment” (48).

(221)

Il-Kummissjoni nnotat li l-qafas normattiv li jikkonċerna l-industrija tat-tajers imsemmija hawn fuq fil-premessi (188) sa (201) japplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fir-RPĊ, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji bi sjieda privata. Biex jintwera dan, il-Liġi Bankarja u l-ordnijiet varji tas-CBRC ikopru l-banek kollha ffinanzjata miċ-Ċina u b'investiment barrani taħt il-ġestjoni tas-CBRC.

(222)

Barra minn hekk, iż-żjarat ta' verifika lill-kumpaniji fil-kampjun urew li l-maġġoranza tal-kuntratti ta' self li l-Kummissjoni kienet kisbet mill-kumpaniji fil-kampjun kellhom kundizzjonijiet simili u li r-rati tas-self ipprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji privati kienu simili u kkoinċidew parzjalment mar-rati pprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji ta' sjieda pubblika.

(223)

Fin-nuqqas ta' informazzjoni diverġenti riċevuta mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji privati, il-Kummissjoni kkonkludiet li, sa fejn hija kkonċernata l-industrija tat-tajers, l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha (inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji privati) li joperaw fiċ-Ċina taħt is-superviżjoni tas-CBRC ġew inkarigati jew diretti mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iv), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku biex isegwu politiki governattivi u jipprovdu self b'rati preferenzjali lill-industrija tat-tajers.

(224)

B'konformità ma' din is-sejba, il-Kummissjoni sabet fir-rigward tal-Hankook Group li l-qafas normattiv ma kienx japplika għal xi istituzzjonijiet finanzjarji barranin li kienu pprovdew self lill-Hankook Group. Tabilħaqq, huma ma kinux taħt is-superviżjoni tas-CBRC, peress li kienu jinsabu barra mir-RPĊ, u kienu qed jipprovdu self barrani f'munita barranija. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b'mod li dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji ma kinux ġew inkarigati jew diretti mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iv), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

(225)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, kemm il-GTĊ kif ukoll il-Hankook Group allegaw li l-istituzzjonijiet finanzjarji privati, fosthom JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina), ma setgħux jitqiesu li ġew fdati u li ngħataw direttivi mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) (iv) tar-Regolament bażiku biex jipprovdu self b'rati preferenzjali. Huma sostnew li ż-żewġ regolamenti li jirregolaw is-CBRC imsemmija fil-premessi (188) u (199) hawn fuq huma komuni għall-awtoritajiet regolatorji bankarji kollha, u jirriflettu l-prinċipji ewlenin għal superviżjoni bankarja effettiva rakkomandati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Barra minn hekk, il-Hankook Group allega li l-Kummissjoni kellha tanalizza ċirkostanzi fattwali fuq bażi ta' każ b'każ għal kull istituzzjoni finanzjarja minflok ma tirreferi għall-qafas normattiv kollu kemm hu.

(226)

Il-Kummissjoni ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet minħabba li s-superviżjoni u l-approvazzjonijiet eżerċitati mis-CBRC imorru lil hinn mill-prinċipji ewlenin tas-superviżjoni bankarja rakkomandati mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja. Tabilħaqq, il-qafas normattiv tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jqiegħed ir-responsabbiltà primarja għall-monitoraġġ tal-adegwatezza tal-livelli kapitali fir-rigward tar-riskji b'mod ċar fuq il-ġestjoni tal-bank innifsu. Ir-rwol tal-awtoritajiet ta' superviżjoni huwa li jirrevedu u jevalwaw il-proċessi interni, il-kontrolli u l-ġestjoni tar-riskju stabbiliti mill-banek. Il-prinċipji ewlenin għas-superviżjoni bankarja effettiva tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jiddikjaraw b'mod ċar li “l-enfasi tar-reviżjoni tal-awtoritajiet bankarji għandha ssir fuq il-kwalità tal-ġestjoni tar-riskju u l-kontrolli tal-bank u ma għandhiex tirriżulta f'li s-superviżuri jiffunzjonaw bħala maniġment tal-banek”.

(227)

Madankollu, kif diġà spjegat fil-premessa (199) hawn fuq, l-approvazzjoni tas-CBRC hija meħtieġa għar-reklutaġġ mhux biss tal-maniġment superjuri fil-kwartieri ġenerali ta' bank, iżda għal-livelli kollha tal-maniġment, anki maniġers maħtura f'fergħat barranin kif ukoll maniġers responsabbli għall-funzjonijiet ta' appoġġ (eż. il-maniġers tal-IT); u huma meħtieġa approvazzjonijiet amministrattivi anki għal bidliet żgħar, bħall-bejgħ ta' aktar minn 5 % tal-ishma ta' bank, jew għal tibdil tad-domiċilju. Fil-fatt, il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja jipprovdi biss li s-superviżur għandu s-setgħa li jirrevedi, jiċħad u jimponi kundizzjonijiet ta' prudenza fuq proposti ta' trasferiment ta' sjieda sinifikanti jew ta' interessi ta' kontroll. Skont il-Kummissjoni, dawn l-attivitajiet pjuttost jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-maniġment tal-bank, mingħajr ebda ħtieġa għall-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja skont il-prinċipji ewlenin għal superviżjoni bankarja effettiva tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.

(228)

Barra minn hekk, il-qafas normattiv li japplika għall-banek kollha fiċ-Ċina huwa ferm usa' minn dawk iż-żewġ regolamenti biss li jirregolaw is-CBRC, kif muri fil-premessa (188) hawn fuq, u s-sett sħiħ ta' dokumenti regolatorji huwa legalment vinkolanti, kif spjegat fil-premessa (200) hawn fuq, u għalhekk dawn jammontaw għal aktar minn sempliċi atti ta' inkoraġġiment. Barra minn hekk, iż-żjarat ta' verifika fil-kumpaniji inklużi fil-kampjun ma wrew l-ebda differenzi sinifikanti bejn il-kundizzjonijiet tas-self jew ir-rati pprovduti mill-istituzzjonijiet finanzjarji privati, u dawk ipprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji li huma proprjetà pubblika.

(229)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnutat li minkejja t-talba espliċita tagħha, il-JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina) ddeċida li ma jikkooperax matul din l-investigazzjoni. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni ma kinitx f'pożizzjoni li tinvestiga ċirkostanzi fattwali fuq bażi individwali f'dak li jirrigwarda l-JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina).

(230)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Hankook Group tenna l-kummenti tiegħu dwar l-inkarigu u d-direzzjoni tal-JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina), li juri b'mod partikolari l-fatt li kieku l-Hankook Group kien jaf li l-bank kellu bżonn jikkoopera fl-investigazzjoni, setgħu talbu lill-bank biex jagħmel dan. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li l-kwestjonarju lill-produtturi esportaturi diġà kien talab lill-kumpanija biex tipprovdi awtorizzazzjoni bankarja, biex tippermetti lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-istituzzjonijiet finanzjarji. L-iskambji bejn il-GTĊ u l-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji kienu disponibbli fil-fajl miftuħ, u n-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-JPMorgan Chase Bank (iċ-Ċina) ġie ddivulgat lill-kumpanija fid-Dokument ta' Informazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li dan l-argument kien bla bażi.

3.4.3.   Speċifiċità

(231)

Kif intwera fil-premessi (188) sa (201), diversi dokumenti legali li huma speċifikament immirati għall-kumpaniji fis-settur tat-tajers, jidderieġu lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jipprovdu self b'rati preferenzjali lill-industrija tat-tajers. Abbażi ta' dawn id-dokumenti, qiegħed jintwera li l-istituzzjonijiet finanzjarji jipprovdu biss self preferenzjali lil għadd limitat ta' industriji/kumpaniji li jikkonformaw mal-politiki rilevanti tal-GTĊ.

(232)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sussidji fil-forma ta' self preferenzjali mhumiex ġeneralment disponibbli, iżda huma speċifiċi fit-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma ppreżentat evidenza li tissuġġerixxi li s-self preferenzjali huwa bbażat fuq kriterji jew kundizzjonijiet oġġettivi fis-sens tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku.

3.4.4.   Benefiċċju u kalkolu tal-ammont ta' sussidju

(233)

Il-Kummissjoni mbagħad ikkalkulat l-ammont tas-sussidju kumpensabbli. Għal dan il-kalkolu, hija vvalutat il-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarji matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Skont l-Artikolu 6(b) tar-Regolament bażiku, il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri huwa d-differenza bejn l-ammont ta' imgħax li l-kumpanija tħallas fuq is-self mill-gvern u l-ammont li l-kumpanija tħallas għal self kummerċjali komparabbli li jista' jinkiseb fis-suq.

(234)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat għadd ta' speċifiċitajiet dwar is-suq tat-tajers Ċiniżi. Kif spjegat fit-Taqsimiet 3.4.1 sa 3.4.3 hawn fuq, is-self ipprovdut mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi jirrifletti intervent sostanzjali tal-gvern u ma jirriflettix rati li normalment jinstabu f'suq li jiffunzjona.

(235)

Il-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun ivarjaw f'termini tas-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħhom. Kull waħda minnhom ibbenifikat minn tipi differenti ta' self matul il-perjodu ta' investigazzjoni, b'varjanzi fir-rigward pereżempju tal-maturità, il-kollateral, il-garanziji u kundizzjonijiet marbuta oħrajn. Għal dawk iż-żewġ raġunijiet, kull kumpanija kellha rata tal-imgħax medja differenti abbażi tas-sett ta' self riċevut tagħha.

(236)

Il-Kummissjoni vvalutat individwalment is-sitwazzjoni finanzjarja ta' kull grupp ta' produtturi esportaturi fil-kampjun bil-għan li tirrifletti dawn il-partikolaritajiet. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni segwiet il-metodoloġija tal-kalkolu għal self preferenzjali stabbilit fl-investigazzjoni antisussidji fuq prodotti tal-azzar b'laminazzjoni termali li joriġinaw mir-RPĊ (49) u spjegat fil-premessi ta' hawn taħt. Bħala riżultat, il-Kummissjoni kkalkulat il-benefiċċju mill-prattiki tas-self preferenzjali għal kull grupp ta' produtturi esportaturi fil-kampjun fuq bażi individwali u allokat dan il-benefiċċju għall-prodott ikkonċernat.

3.4.4.1.   Klassifikazzjonijiet tal-kreditu

(237)

Fl-investigazzjoni antisussidji fuq prodotti tal-azzar b'laminazzjoni termali li joriġinaw mir-RPĊ, il-Kummissjoni diġà ddeterminat li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu domestiku mogħtija lill-kumpaniji Ċiniżi ma kinux affidabbli, abbażi ta' studju ppubblikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali (50), li juri diskrepanza bejn il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu internazzjonali u dawk Ċiniżi, flimkien mas-sejbiet tal-investigazzjoni li tikkonċerna l-kumpaniji fil-kampjun. Fil-fatt, skont il-FMI, aktar minn 90 % tal-bonds Ċiniżi huma kklassifikati AA sa AAA mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni lokali. Dan mhuwiex komparabbli ma' swieq oħra, bħall-UE jew l-Istati Uniti. Pereżempju, inqas minn 2 % tad-ditti jgawdu minn dawn il-klassifikazzjonijiet tal-ogħla livell fis-suq tal-Istati Uniti. B'hekk, l-aġenziji Ċiniżi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom tendenza qawwija favur l-ogħla tarf tal-iskala ta' klassifikazzjoni. Huma għandhom skali ta' klassifikazzjoni wiesgħa ħafna u għandhom tendenza li jiġbru flimkien bonds b'riskji ta' inadempjenza differenti b'mod sinifikanti f'kategorija waħda wiesgħa ta' klassifikazzjoni (51).

(238)

Barra minn hekk, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni barranija, bħal Standard and Poor's u Moody's, tipikament japplikaw żieda fuq il-klassifikazzjoni ta' kreditu tal-linja bażi tal-emittent abbażi ta' stima tal-importanza strateġika tad-ditta għall-Gvern Ċiniż u s-saħħa ta' kwalunkwe garanzija impliċita meta jikklassifikaw bonds Ċiniżi maħruġa barra l-pajjiż (52). Fitch pereżempju tindika b'mod ċar, fejn applikabbli, li tali garanziji huma mutur ewlieni li fuqu huma bbażati l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu tagħha ta' kumpaniji Ċiniżi (53).

(239)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet aktar informazzjoni biex tikkumplimenta din l-analiżi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ddeterminat li l-Istat jista' jeżerċita ċerta influwenza fuq is-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Skont żewġ studji ppubblikati fl-2016, kien hemm madwar 12-il aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu attivi fis-suq Ċiniż, li l-biċċa l-kbira minnhom huma proprjetà tal-Istat. B'kollox, 60 % tal-bonds korporattivi kklassifikati kollha fiċ-Ċina ġew ikklassifikati minn aġenzija tal-klassifikazzjoni li hi proprjetà tal-Istat (54).

(240)

Il-GTĊ ikkonferma li, matul il-perjodu ta' investigazzjoni, kien hemm 12-il aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu attivi fis-suq tal-bonds taċ-Ċina, fosthom 10 aġenziji tal-klassifikazzjoni domestiċi, inklużi Global Credit Rating Co. Ltd, Shanghai Brilliance Credit Rating & Investors Service Co. Ltd, Golden Credit Rating International Co. Ltd, China Chengxin Securities Rating Co. Ltd, Pengyuan Credit Rating Co. Ltd, Shanghai Fareast Credit Rating Co., Ltd, China Bond Rating Co. Ltd, China Securities Index Co. Ltd, Shanghai Credit Information Services Co. Ltd. Kien hemm ukoll żewġ aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu li kienu impriżi konġunti Ċiniżi-barranin, jiġifieri China Lianhe Credit Rating Co. Ltd, u China Chengxin International Credit Rating Co.,Ltd

(241)

It-tieni, ma hemmx dħul liberu fis-suq Ċiniż tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Huwa essenzjalment suq magħluq, peress li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni jridu jiġu approvati miċ-Kummissjoni Regolatorja tat-Titoli taċ-Ċina (China Regulatory Regulatory Commission, CSRC) jew mill-PBOC qabel ma jkunu jistgħu jibdew l-operazzjonijiet tagħhom (55). Matul il-perjodu ta' investigazzjoni, l-aġenziji ta' klassifikazzjoni barranin ma kinux qed jitħallew joperaw fis-suq domestiku Ċiniż, peress li s-suq tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kien inkluż fil-kategorija “ristretta” tal-Katalgu tal-Industriji tal-GTĊ għall-Gwida tal-Investiment Barrani, u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kienu pprojbiti milli joħorġu klassifikazzjonijiet ta' bonds domestiċi. Il-PBOC ħabbar nofs l-2017 li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu barranin se jitħallew iwettqu klassifikazzjonijiet tal-kreditu fuq parti mis-suq domestiku tal-bonds, taħt ċerti kundizzjonijiet, iżda dan ma kienx għadu applikabbli matul il-perjodu ta' investigazzjoni (56). Madankollu, sadanittant, l-aġenziji barranin stabbilixxew impriżi konġunti ma' xi aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu lokali, li jipprovdu klassifikazzjonijiet ta' kreditu għal ħruġ ta' bonds domestiċi. Madankollu, dawn il-klassifikazzjonijiet isegwu l-iskali tal-klassifikazzjoni Ċiniżi u għalhekk mhumiex eżattament komparabbli mal-klassifikazzjonijiet internazzjonali, kif spjegat hawn fuq.

(242)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fil-premessi (237) sa (241) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi ma jipprovdux stima affidabbli tar-riskju ta' kreditu tal-assi sottostanti. Fuq din il-bażi, anki jekk xi kumpaniji fil-kampjun ingħataw klassifikazzjoni tal-kreditu tajba minn aġenzija tal-klassifikazzjoni Ċiniża, il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-klassifikazzjonijiet mhumiex affidabbli.

3.4.4.2.   Self rotanti

(243)

Wara s-sejbiet deskritti fit-Taqsima 3.4.4 tal-investigazzjoni kontra s-sussidji fuq prodotti tal-azzar b'laminazzjoni termali li joriġinaw mir-RPĊ (57), is-self rotanti huwa self li jippermetti li kumpanija tissostitwixxi l-kapital imħallas lura fuq is-self fid-data tal-maturità permezz ta' kapital ġdid minn self ġdid. Self rotanti normalment huwa sinjal ta' problemi ta' likwidità fuq perjodu qasir ta' min jissellef, u jinvolvi skopertura akbar għar-riskju għall-banek li jagħtuh. L-eżistenza ta' self rotanti f'kumpanija partikolari kienet għalhekk meqjusa bħala indikazzjoni li l-kumpanija hija f'sitwazzjoni finanzjarja agħar minn dak li jissuġġerixxu r-rapporti finanzjarji mal-ewwel daqqa t'għajn, u li hemm riskju addizzjonali relatat ma' problemi ta' likwidità fuq perjodu ta' żmien qasir.

3.4.4.3.   Hankook Group

(244)

Għall-fini tal-investigazzjoni attwali, il-Hankook Group fiċ-Ċina huwa magħmul minn żewġ produtturi esportaturi, żewġ kumpaniji li jipprovdu inputs lill-produttur esportatur, u kumpanija tal-bejgħ waħda. Il-kwartieri ġenerali tal-Grupp jinsabu barra miċ-Ċina, fil-Korea, u ma hemm l-ebda kumpanija azzjonarja fiċ-Ċina li teżerċita kontroll fuq il-kumpaniji kollha li joperaw fir-RPĊ.

(245)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni, il-produtturi esportaturi prinċipalment iggarantew il-fondi meħtieġa minn banek internazzjonali li jinsabu barra miċ-Ċina, kif ukoll mill-kumpanija omm Koreana, u ftehim ta' aggregazzjoni ta' flus likwidi bejn il-kumpaniji. Madankollu, huma kisbu ukoll xi self fuq medda qasira ta' żmien billi biegħu l-ammonti riċevibbli tal-esportazzjoni tagħhom lil banek Ċiniżi.

(246)

Iż-żewġ produtturi esportaturi tal-Hankook Group għandhom sitwazzjoni finanzjarja differenti ħafna. Wieħed minnhom huwa negozju matur bi profitti kostanti matul il-perjodu 2014-2016, l-ieħor ġie stabbilit iktar reċentement u akkumula telf kbir sa mill-bidu tiegħu, għalkemm kien qed jagħmel profitti għall-ewwel darba fl-2017. Il-proporzjon tad-dejn għall-assi huwa pjuttost baxx f'każ wieħed u għoli ħafna fil-każ l-ieħor. Meta meħuda flimkien u meta mqabbla fuq perjodu itwal, il-profittabbiltà kkombinata tal-kumpaniji kienet pożittiva minkejja li kienet fraġli matul il-perjodu kkunsidrat, u indikat li bidliet żgħar fl-ambjent tan-negozju intern jew estern jistgħu jesponu lill-grupp għal sitwazzjoni ta' telf. Din il-valutazzjoni ġiet ikkonfermata matul iż-żjara ta' verifika.

(247)

Il-Kummissjoni nnutat li Jiangsu Hankook Tire Co. Ltd (JHT) kienet ingħatat klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jvarjaw minn BBB+ sa AA+ minn istituzzjonijiet Ċiniżi proprjetà tal-Istat, filwaqt li Chongqing Hankook Tire Co. Ltd (“CHT”) kienet ingħatat klassifikazzjonijiet tal-kreditu li jvarjaw minn BBB- to A+ mill-istess istituzzjonijiet finanzjari proprjetà tal-Istat. Fid-dawl tad-distorsjonijiet ġenerali tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi msemmija fil-premessi (237) sa (242) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-klassifikazzjoni ma kinitx affidabbli.

(248)

Meta wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni tal-produttur li jagħmel it-telf, jista' jkun hemm dubji dwar il-kapaċitajiet ta' ħlas lura tad-dejn tal-kumpaniji. Madankollu, il-biċċa l-kbira tas-self mogħti lill-kumpanija kien self bejn il-kumpaniji mill-kumpanija omm Koreana. Il-kumpanija kellha biss ammont limitat ta' self għal żmien qasir mill-banek Ċiniżi.

(249)

Il-Kummissjoni sabet li dan is-self fuq medda qasira ta' żmien ipprovdut minn istituzzjoni finanzjarja Ċiniża kien fil-fatt self rotanti. Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Hankook Group sostna li dan is-self kien irtirar suċċessiv ta' kapital fil-kuntest ta' ftehim qafas usa'. Wara analiżi ulterjuri, il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjonijiet ta' Hankook fuq in-natura ta' dan is-self, u adattat il-kalkoli tagħha skont dan, bl-użu tar-rata tal-imgħax fiż-żmien tal-irtirar tal-fondi.

(250)

Kif imsemmi fit-taqsima 3.4.1 hawn fuq, l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi li jsellfu ma pprovdew l-ebda valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja. Għalhekk, sabiex tistabbilixxi l-benefiċċju, il-Kummissjoni kellha tivvaluta jekk ir-rati tal-imgħax għas-self mogħtija lil Hankok Group kinux fil-livell tas-suq.

(251)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-grupp tikkorrispondi għal klassifikazzjoni BB, li hija l-ogħla klassifikazzjoni li ma għadhiex tikkwalifika bħala “grad ta' investiment”. “Grad ta' investiment” tfisser li l-bonds maħruġa mill-kumpanija jiġu ġġudikati mill-aġenzija tal-klassifikazzjoni bħala probabbli biżżejjed li jissodisfaw l-obbligi ta' ħlas li l-banek jistgħu jinvestu fihom.

(252)

Il-primjum mistenni fuq bonds maħruġa minn ditti b'din il-klassifikazzjoni (BB) imbagħad kien applikat għar-rata ta' self standard tal-PBOC sabiex tiġi stabbilita r-rata tas-suq.

(253)

Dik iż-żieda kienet iddeterminata bil-kalkolu tal-firxa relattiva bejn l-indiċijiet tal-bonds korporattivi bi klassifikazzjoni AA tal-Istati Uniti u l-bonds korporattivi tal-Istati Uniti bi klassifikazzjoni BB abbażi tad-data ta' Bloomberg għas-segmenti industrijali. Il-firxa relattiva kkalkulata b'dan il-mod imbagħad ġiet miżjuda mar-rati tal-imgħax normattivi kif ippubblikati mill-PBOC fid-data meta ngħata s-self (58), u għall-istess tul ta' żmien bħas-self inkwistjoni. Dan sar individwalment għal kull self ipprovdut lill-kumpanija.

(254)

Fir-rigward ta' self denominat f'muniti barranin fir-RPĊ, tapplika l-istess sitwazzjoni fir-rigward tad-distorsjonijiet tas-suq u n-nuqqas ta' klassifikazzjonijiet tal-kreditu validi, għaliex dan is-self huwa mogħti mill-istess istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi. Għalhekk, kif instab qabel, il-bonds korporattivi kklassifikati BB f'denominazzjonijiet rilevanti maħruġa matul il-perjodu tal-investigazzjoni ntużaw sabiex jiġi stabbilit punt ta' riferiment xieraq.

(255)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni u wara d-divulgazzjoni finali, kemm il-GTĊ kif ukoll tlieta mill-erba' kumpaniji fil-kampjun ikkontestaw il-metodoloġija tal-Kummissjoni li użat firxa relattiva bejn bonds korporattivi kklassifikati tal-Istati Uniti AA u tal-Istati Uniti BB biex tikkalkula l-benefiċċju fuq self preferenzjali. Kollha kemm huma allegaw li l-Kummissjoni kellha tuża marġni relattiv minflok firxa relattiva bejn il-bonds klassifikati AA tal-Istati Uniti u l-bonds iklassifikati BB tal-Istati Uniti. Ġew ipprovduti r-raġunijiet li ġejjin:

Il-livell tal-firxa relattiva jvarja mal-livell tar-rata tal-imgħax bażi fl-Istati Uniti: iktar ma l-livell tar-rata tal-imgħax ikun baxx, iktar tkun għolja ż-żieda li tirriżulta.

Il-livell tal-punt ta' riferiment li jirriżulta jvarja skont il-livell tar-rata normattiva tal-PBOC li għaliha jiġi applikat. Iktar ma tkun għolja r-rata normattiva tal-PBOC, iktar ikun għoli l-punt ta' riferiment li jirriżulta.

Skont id-data storika pprovduta mill-Giti Group, il-firxa assoluta tibqa' bejn wieħed u ieħor stabbli maż-żmien, filwaqt li l-firxa relattiva turi varjazzjonijiet kbar.

Il-fatt li l-Kummissjoni sabet benefiċċju għas-self kollu fir-RMB iżda mhux għall-biċċa l-kbira tas-self f'muniti barranin juri li l-użu tal-firxa relattiva huwa żbaljat.

(256)

L-ewwel tliet kwistjonijiet kienu diġà ppreżentati fil-każ HRF (59). Kif wieħed jista' jara mill-premessi (175) sa (187) fil-każ HRF, il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn l-argumenti minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

L-ewwel nett, filwaqt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-banek kummerċjali normalment jużaw żieda espressa f'termini assoluti, hija osservat li din il-prattika tidher prinċipalment ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet prattiċi, minħabba li r-rata tal-imgħax hija fl-aħħar mill-aħħar numru assolut. Madankollu, in-numru assolut huwa t-traduzzjoni ta' valutazzjoni tar-riskju li hija bbażata fuq evalwazzjoni relattiva. Ir-riskju ta' inadempjenza ta' kumpanija kklassifikata bħala BB huwa X % aktar probabbli mill-inadempjenza tal-gvern jew ta' kumpanija mingħajr riskju. Din hija evalwazzjoni relattiva.

It-tieni, ir-rati tal-imgħax jirriflettu mhux biss il-profili tar-riskju tal-kumpaniji, iżda wkoll ir-riskji speċifiċi għall-pajjiż u għall-munita. Il-firxa relattiva għalhekk tinkludi bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq sottostanti li mhumiex espressi meta tiġi segwita l-loġika ta' firxa assoluta. Bħalma hu fil-każ preżenti, ir-riskju speċifiku għall-pajjiż u għall-munita ta' spiss ivarja maż-żmien, u l-varjazzjonijiet huma differenti għal pajjiżi differenti. B'riżultat ta' dan, ir-rati mingħajr riskji jvarjaw b'mod sinifikanti matul iż-żmien, u xi drabi huma inqas fl-Istati Uniti, xi drabi fiċ-Ċina. Dawn id-differenzi huma relatati ma' fatturi bħat-tkabbir osservat u mistenni tal-PDG, is-sentiment ekonomiku u l-livelli ta' inflazzjoni. Minħabba li r-rata mingħajr riskju tvarja maż-żmien, l-istess firxa nominali assoluta tista' tfisser valutazzjoni differenti ħafna tar-riskju. Pereżempju, fejn il-bank jistma li r-riskju ta' inadempjenza speċifiku għan-negozju huwa ta' 10 % ogħla mir-rata mingħajr riskju (stima relattiva), il-firxa assoluta li tirriżulta tista' tkun bejn 0,1 % (b'rata mingħajr riskju ta' 1 %) u 1 % (b'rata mingħajr riskju ta' 10 %). Minn perspettiva ta' investitur, il-firxa relattiva għalhekk hija kejl aħjar peress li tirrifletti d-daqs tal-firxa tar-rendiment u l-mod kif inhi affettwata mil-livell bażi tar-rata tal-imgħax.

It-tielet, il-firxa relattiva hija wkoll newtrali f'termini ta' pajjiżi. Pereżempju, fejn ir-rata mingħajr riskju fl-Istati Uniti hija iktar baxxa mir-rata mingħajr riskju fiċ-Ċina, il-metodu jwassal għal żidiet assoluti ogħla. Min-naħa l-oħra, fejn ir-rata mingħajr riskju fiċ-Ċina hija iktar baxxa mir-rata mingħajr riskju fl-Istati Uniti, il-metodu jwassal għal żidiet assoluti iktar baxxi. Dan huwa rikonoxxut ukoll mill-Giti Group fit-Tabella 3 tas-sottomissjoni tiegħu, fejn l-impatt ta' rati differenti tal-PBOC huwa simulat. Fil-prattika, meta tiġi applikata d-data pprovduta mill-Giti Group għar-rati storiċi tal-PBOC, dan juri li f'xi snin il-metodoloġija relattiva tipproduċi punt ta' riferiment aktar baxx mill-firxa assoluta.

Dwar it-tielet punt, il-Kummissjoni interpretat il-fatti ppreżentati mill-Giti Group b'mod differenti. Il-Giti Group innifsu nnota li l-firxa assoluta mhijiex stabbli daqs kemm kien allegat, iżda minflok tvarja maż-żmien, minn 1 % għal 4,5 %. Barra minn hekk, tul dawn l-aħħar 23 sena, il-firxa relattiva segwiet l-istess tendenza bħall-firxa assoluta, jiġifieri, meta l-firxa relattiva tiżdied, il-firxa assoluta żdiedet ukoll u viċi versa. Fir-rigward tal-volatilità allegata tal-firxa relattiva, id-daqs tal-bidliet huwa simili — id-differenza bejn l-ogħla ċifri u dawk l-iktar baxxi hija ta' 530 % għall-firxa relattiva u ta' 450 % għall-firxa assoluta.

Fl-aħħar nett, dwar ir-raba' punt, il-Kummissjoni ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Giti Group li n-nuqqas ta' benefiċċju meta tiġi applikata l-metodoloġija ta' kalkolu tal-Kummissjoni għal self f'muniti barranin juri li l-użu tal-firxa relattiva huwa żbaljat. Tabilħaqq, is-suq tas-self domestiku f'RMB huwa essenzjalment suq magħluq, li fih il-GTĊ, kif muri hawn fuq, jista' jeżerċita ċerta influwenza. Min-naħa l-oħra, fost l-oħrajn minħabba restrizzjonijiet fuq muniti barranin fiċ-Ċina, is-suq tas-self f'muniti sodi huwa inqas soġġett għall-għażliet ta' politika domestika tal-GTĊ, u jopera ħafna aktar skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Il-fatt li l-punt ta' riferiment użat mill-Kummissjoni ma jagħti l-ebda benefiċċju f'ħafna mill-każijiet għalhekk mhuwiex sorprendenti ħafna. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li dan juri li l-banek Ċiniżi, meta joperaw fis-suq internazzjonali, jagħtu self li huwa konformi mal-kundizzjonijiet ibbażati fuq is-suq għal kumpaniji kklassifikati BB, li mhuwiex il-każ meta jkunu qed jipprovdu self fis-suq domestiku. Huwa jagħti prova wkoll li l-metodoloġija tal-Kummissjoni tagħti riżultati li huma konformi mal-kundizzjonijiet ibbażati fuq is-suq għall-kumpaniji kklassifikati BB fis-suq internazzjonali.

(257)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTĊ tenna l-argumenti preċedenti tiegħu u sostna li l-użu tal-firxa relattiva ma kienx xieraq, peress li l-punt ta' riferiment ma għamilx l-aġġustamenti meħtieġa biex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq finanzjarju Ċiniż, u jwassal għal riżultati mhux raġonevoli. Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din il-fehma, peress li r-rata normattiva tal-PBOC tintuża bħala punt tat-tluq għall-kalkolu. Barra minn hekk, l-użu tal-firxa relattiva jinkludi bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq sottostanti speċifiċi għall-pajjiż li mhumiex espressi meta tiġi segwita l-loġika ta' firxa assoluta, kif spjegat fil-premessa (255) hawn fuq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat li r-rata tal-imgħax li tirriżulta ta' madwar 9 % għall-kumpaniji kklassifikati BB mhijiex raġonevoli fid-dawl tal-fatt li r-rendiment tal-bonds korporattivi klassifikati BB fis-suq domestiku Ċiniż kien ta' 20 % fi tmiem il-perjodu ta' investigazzjoni (60).

(258)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-metodu tal-firxa relattiva jirrifletti b'mod aktar adegwat il-primjum tar-riskju li istituzzjoni finanzjarja tapplika għall-produtturi esportaturi Ċiniżi f'suq mingħajr distorsjonijiet, b'mod partikolari minħabba li r-rata tal-imgħax bażi fir-RPĊ u r-rata tal-imgħax bażi fl-Istati Uniti evolvew b'mod differenti maż-żmien.

(259)

Il-Hankook Group allega wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx naqqset l-imgħax imħallas wara l-perjodu ta' investigazzjoni li kien dovut għall-perjodu ta' investigazzjoni. Il-Kummissjoni rrevediet il-kalkoli tagħha u sabet li dan kienet għamlet dan b'mod korrett u ċaħdet it-talba.

(260)

Barra minn hekk, il-Hankook Group argumenta li l-kontijiet dokumentarji tiegħu 'l barra ma setgħux jikkwalifikaw bħala finanzjament. Barra minn hekk, anki kieku kellhom jiġu kkunsidrati bħala strumenti ta' finanzjament, hija kkontestat ir-rata normattiva użata mill-Kummissjoni meta kkalkulat il-benefiċċju, li allegatament injora l-istruttura tar-rata tal-imgħax applikata mill-banek (ibbażata fuq ir-rata LIBOR speċifika għall-pajjiż) fil-muniti korrispondenti.

(261)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma qablitx mal-Hankook Group li kontijiet dokumentarji 'l barra ma jistgħux jikkwalifikaw bħala finanzjament. Fil-fatt, bis-saħħa ta' dawn l-istrumenti finanzjarji, il-Hankook Group seta' jiġbor il-flus bil-quddiem u b'hekk inaqqas ir-riskju tal-kambju tal-valuta tiegħu meta jiffattura f'muniti oħra minbarra r-RMB. Konsegwentement, dan huwa arranġament ta' finanzjament fuq perjodu ta' żmien qasir għall-benefiċċju tal-Hankook Group.

(262)

It-tieni, rigward ir-rati normattivi użati, il-Kummissjoni ma setgħet issib l-ebda indiċi għas-self ikklassifikat “BB” denominat f'CAD, AUD u JPY. Peress li dawn il-pajjiżi għandhom livell simili ta' żvilupp ekonomiku bħall-Istati Uniti, il-Kummissjoni għalhekk użat ir-rati medji LIBOR USD flimkien mal-primjum tar-riskju tal-Istati Uniti għal kumpaniji kklassifikati “BB” bħala indikatur għal dawn il-muniti. L-indiċi ICE BofAML intuża għall-kontijiet dokumentarji 'l barra denominati f'GBP, SEK u EUR. Fil-fatt, ir-rati LIBOR għas-self denominat f'EUR, GBP u SEK spiss kienu negattivi u għalhekk tqiesu bħala mhux xierqa bħala punt tat-tluq għall-bini ta' punt ta' riferiment. L-indiċi ICE BofAML min-naħa l-oħra huwa basket ta' bonds b'rendiment għoli, jiġifieri bonds taħt il-livell ta' investiment, denominati f'EUR. Dan jikkorrispondi għall-klassifikazzjoni tal-kreditu li l-Kummissjoni kkunsidrat li hija applikabbli għall-Hankook Group. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-kontijiet dokumentarji 'l barra tal-Hankook Group.

(263)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Hankook Group sostna wkoll li l-Indiċi ta' Rendiment Għoli tal-Euro ICE BofAML kien irrilevanti għall-iskop li tiġi stabbilita rata tal-imgħax normattiva fuq bażi ta' LIBOR u primjum, u li l-Kummissjoni missha adattat il-primjum tar-riskju kif għamlet għas-self mill-banek. Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din l-opinjoni. Kif spjegat fil-premessa (262) hawn fuq, l-Indiċi ta' Rendiment Għoli tal-Euro ICE BofAML huwa basket ta' bonds bi klassifikazzjoni ta' kreditu li tikkorrispondi għal klassifikazzjoni ta' kreditu BB, li hija l-klassifikazzjoni applikata għall-Hankook Group. Għalhekk jikkorrispondi għar-rata tal-imgħax li kumpanija kklassifikata BB tkun mistennija li tħallas għal fondi denominati f'EUR. Fir-rigward ta' self denominat f'CAD, AUD u JPY, il-Hankook Group tenna l-kummenti pprovduti fil-kuntest tad-Dokument ta' Informazzjoni. Huwa ddikjara li huwa l-piż tal-Kummissjoni li tistabbilixxi punt ta' riferiment kemm jista' jkun qrib ir-realtà tas-suq. Il-Kummissjoni kkunsidrat li dan huwa diġà l-każ, peress li ma hemm l-ebda data disponibbli pubblikament għas-CAD, AUD, JPY fil-livell ta' kumpaniji klassifikati “BB” li jippermettu l-kostruzzjoni ta' punt ta' riferiment abbażi tal-klassifikazzjonijiet LIBOR rispettivi. Barra minn hekk, il-British Bankers' Association (Assoċjazzjoni tal-Bankiera Brittaniċi) (illum imsejħa l-Intercontinental Exchange Group (il-Grupp tal-Kambju Interkontinentali) jew ICE) waqqfet l-iffissar tal-LIBOR għal għadd ta' muniti, inklużi s-CAD u l-AUD fl-2013. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tas-suq f'dawk is-swieq huma simili għall-kundizzjonijiet fis-suq finanzjarju tal-Istati Uniti. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-użu tal-Indiċi ta' Rendiment Għoli tal-Euro tat-tip “ICE BofAML” kien metodu xieraq.

3.4.4.4.   Giti Group

(264)

Il-Giti Group ppreżenta ruħu wkoll f'sitwazzjoni finanzjarja ġeneralment profittabbli skont il-kontijiet finanzjarji tiegħu stess. Madankollu, il-grupp għandu wkoll proporzjon għoli ta' dejn ma' assi, b'xejra li qed tiżdied matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(265)

Il-produtturi esportaturi tal-Giti Group għandhom sitwazzjoni finanzjarja li tvarja ħafna. Tlieta minnhom kienu profittabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, indikaturi finanzjarji oħra, bħall-proporzjon tad-dejn mal-assi jew il-proporzjon tal-kopertura tal-imgħax ma indikaw l-ebda problema strutturali sinifikanti fir-rigward tal-abbiltajiet ta' ħlas lura tad-dejn ta' dawn il-kumpaniji. Madankollu, iż-żewġ produtturi l-oħra kienu qegħdin jagħmlu telf kontinwu matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Madankollu, dawn ma kellhom l-ebda self pendenti minn banek mhux relatati u fil-fatt huma ffinanzjati kompletament minn dejn li ilu pendenti fit-tul mill-kumpanija prinċipali.

(266)

Il-Kummissjoni nnutat li l-Giti Group ngħata klassifikazzjoni A+ minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ċiniża. Fid-dawl tad-distorsjonijiet ġenerali tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi msemmija fil-premessi (237) sa (242) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li din il-klassifikazzjoni mhijiex affidabbli.

(267)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkunsidrat li huwa xieraq li jintuża l-punt ta' riferiment BB kif stipulat fil-premessi (251) sa (253) hawn fuq fil-livell tal-attivitajiet tal-grupp biex jiġi kkalkulat il-benefiċċju globali mogħti lit-tajers derivat min-nuqqas ta' valutazzjoni tar-riskju xierqa.

(268)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Giti Group kkontesta l-klassifikazzjoni tal-kreditu BB applikata għall-kumpaniji tal-Giti Group. Il-kumpanija allegat li l-Kummissjoni kienet użat klassifikazzjoni BB kullimkien għall-kumpaniji kollha fiċ-Ċina, minflok eżaminat is-sitwazzjoni individwali tal-kumpaniji fil-kampjun. F'dan ir-rigward, il-kumpanija indikat il-fatt li l-grupp ma kellu ebda self rotanti, u li l-profitti tal-kumpaniji varji fil-grupp kienu jvarjaw ħafna.

(269)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Giti Group. Kif muri fit-Taqsimiet 3.4.4.3 sa 3.4.4.6 il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni individwali ta' kull grupp ta' kumpaniji fil-kampjun, u eżaminat is-sitwazzjoni individwali ta' kull waħda mill-kumpaniji f'dawn il-gruppi. Fil-każ speċifiku tal-Giti Group, fil-fatt ma kien hemm l-ebda self rotanti u l-qagħda finanzjarja tal-produtturi esportaturi kienet tvarja ħafna, bi tliet produtturi esportaturi profittabbli u żewġ produtturi esportaturi b'telf qawwi u fit-tul. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tassenja klassifikazzjonijiet ta' kreditu differenti lil kull wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi. Madankollu, fid-dawl tal-interkonnessjonijiet bejn il-kumpaniji, u b'mod aktar partikolari l-fatt li l-piż tad-dejn tal-produtturi li jagħmlu t-telf fil-fatt ġie ttrasferit għall-entitajiet profitabbli tal-grupp, u sostnut minnhom, permezz ta' tranżazzjonijiet bejn il-kumpaniji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tattribwixxi klassifikazzjoni ta' kreditu waħda lill-grupp. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

(270)

Il-Giti Group semma wkoll xi żbalji żgħar ta' kalkolu, li ġew aċċettati mill-Kummissjoni u kkoreġuti kif xieraq.

3.4.4.5.   China National Tire Group

(271)

L-erba' produtturi esportaturi taċ-China National Tire Group għandhom sitwazzjonijiet finanzjarji differenti. Tnejn minnhom għamlu profitti kostanti matul il-perjodu 2014-2016, u kellhom indikaturi finanzjarji pjuttost tajbin. Madankollu, wieħed minn dawn iż-żewġ produtturi beda jagħmel it-telf fl-ewwel nofs tal-2017, u dan il-produttur instab li għandu self rotanti, li jindika li l-kumpanija tista' tkun f'sitwazzjoni finanzjarja aktar fraġli minn dak li jissuġġerixxu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji mal-ewwel daqqa t'għajn.

(272)

Għat-tielet u r-raba' produttur, madankollu, ir-rapporti finanzjarji kif ukoll l-evidenza misjuba matul iż-żjara ta' verifika wrew li dawn il-kumpaniji komplew jirċievu self b'rati attraenti minkejja snin konsekuttivi ta' telf, proporzjonijiet ta' dejn għal assi għoljin, kopertura tal-imgħax baxxa, indikaturi finanzjarji li sejrin għall-agħar, produzzjoni mhux ingranata, kwistjonijiet imqajma mill-awdituri dwar l-istatus ta' negozju attiv u prospetti inċerti għall-futur. Barra minn hekk, huma kienu dipendenti fuq self rotanti u wieħed minnhom ma setax iħallas lura xi djun tiegħu. Fil-fatt, dawn il-kumpaniji waqfu jirċievu self estern matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Madankollu, huma komplew jirċievu appoġġ finanzjarju fil-forma ta' self li ttieħed f'isimhom mill-kumpanija omm tagħhom. It-termini ta' dawn il-ftehimiet ta' self kienu jirreferu għas-sussidjarja f'diffikultà fl-iskop tas-self. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi inkwistjoni kellu jħallas lura dan is-self kollu lill-kumpanija omm skont ftehim bejn il-kumpaniji.

(273)

Il-kumpanija omm intermedja, is-CNRC, kienet profittabbli matul il-perjodu 2015-2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni, minkejja li l-profittabilità kienet dgħajfa, u l-kumpanija kellha ingranaġġ għoli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet li aktar minn nofs is-self ipprovdut fil-livell tas-CNRC kien self rotanti. Stampa simili toħroġ mill-analiżi tal-kumpanija omm aħħarija, il-Chemchina Group, fejn il-profittabbiltà baxxa kienet ikkombinata ma' ingranaġġ għoli u b'ċerta dipendenza fuq self rotanti. Barra minn hekk, fil-livell tal-Chemchina Group, il-Kummissjoni sabet li ntużaw bonds biex jitħallas lura s-self pendenti.

(274)

Ma ġiet ipprovduta l-ebda klassifikazzjoni tal-kreditu għas-CNRC jew għas-sussidjarji tiegħu. Madankollu, il-Chemchina Group ingħata ripetutament klassifikazzjoni tal-kreditu AAA minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ċiniża. Fid-dawl tad-distorsjonijiet ġenerali tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi msemmija fil-premessi (237) sa (242) hawn fuq, kif ukoll tal-evidenza misjuba matul il-verifika, il-Kummissjoni injorat il-klassifikazzjoni Ċiniża tal-Chemchina Group.

(275)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali ta' hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li kien meħtieġ li ssib punt ta' riferiment xieraq għall-kumpaniji varji fil-grupp. Sabiex jittieħed kont tal-iskopertura akbar għar-riskju tal-banek enfasizzata mill-eżistenza ta' self rotanti f'xi wħud mill-kumpaniji ta' produzzjoni, il-Kummissjoni naqqset livell wieħed fl-iskala ta' klassifikazzjoni tar-riskju u adattat il-kalkolu tal-firxa relattiva għal dan is-self billi għamlet paragun bejn il-bonds korporattivi tal-Istati Uniti bi klassifikazzjoni AA u l-bonds korporattivi tal-Istati Uniti bi klassifikazzjoni B (minflok BB) bl-istess tul ta' żmien. Skont id-definizzjonijiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' Standard & Poor's, obbligant bi klassifikazzjoni “B” huwa aktar vulnerabbli mill-obbliganti bi klassifikazzjoni “BB”, iżda bħalissa l-obbligant xorta għandu l-kapaċità li jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu. Madankollu, kundizzjonijiet ta' negozju, finanzjarji jew ekonomiċi avversi jistgħu jnaqqsu l-kapaċità jew ir-rieda tal-obbligant li jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu. Dan il-punt ta' riferiment huwa għalhekk ikkunsidrat xieraq biex jirrifletti r-riskju addizzjonali li ġej mill-użu ta' self rotanti.

(276)

Il-Kummissjoni għalhekk użat dan bħala l-punt ta' referenza rilevanti għas-self kollu b'maturità ta' sentejn jew inqas ipprovdut lil kumpaniji li kienu qed jużaw self rotanti. Tabilħaqq, is-self rotanti ġeneralment jiġi konkluż għal żmien qasir. Huwa improbabbli ħafna li jinstab self rotanti b'maturità ta' aktar minn sentejn, u l-evidenza tas-self ivverifikat fil-kumpaniji inklużi fil-kampjun appoġġat din il-konklużjoni.

(277)

Għas-self li jifdal b'maturità ta' sentejn u aktar u għal kumpaniji li ma kellhomx self rotanti, il-Kummissjoni reġgħet lura għall-valur referenzjarju ġenerali li jagħti l-ogħla grad ta' bonds ta' “Grad mhux ta' investiment”, kif spjegat fil-premessa (251).

(278)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-livell ta' tnejn mill-kumpaniji involuti fil-produzzjoni tat-tajers, il-kumpaniji kienu f'sitwazzjoni finanzjarja ħażina fl-2015-2016, u matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Ma kienx ikollhom aċċess għal aktar self matul il-perjodu ta' investigazzjoni fin-nuqqas ta' appoġġ mill-Istat. Għalhekk, il-benefiċċju riċevut għal din il-kumpanija mar lil hinn minn żieda ordinarja mar-rata tal-imgħax. Minflok, il-benefiċċju matul il-perjodu tal-investigazzjoni rriżulta mill-għoti ta' self li ma kienx jingħata mingħajr appoġġ mill-Istat abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-kumpanija. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li China National Tire Group huwa Intrapriża tal-Istat (“SOE”) kbira li hija parti mill-Chemchina Group, u li l-Chemchina Group kien identifikat bħala impriża ta' importanza ewlenija fit-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin.

(279)

Għalhekk, f'konformità mat-taqsima E(b)(V) tal-linji gwida tal-1998 (61), il-Kummissjoni ddeċidiet li tittratta l-ammonti pendenti ta' dan is-self matul il-perjodu tal-investigazzjoni bħala għotja pprovduta fl-insegwiment tal-politiki tal-gvern. Billi dawn il-kumpaniji ma rċevewx self estern ġdid matul il-perjodu ta' investigazzjoni minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja dgħajfa tagħhom, li diġà kienet teżisti matul il-perjodu 2015-2016, il-Kummissjoni ttrattat is-self pendenti matul il-perjodu tal-investigazzjoni, iżda li ġie pprovdut matul l-2015 u l-ewwel nofs tal-2016, bħala għotjiet, aġġustati kif xieraq kif deskritt fil-premessa (280) hawn taħt. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ttrattat is-self bejn il-kumpaniji meħud mill-kumpanija omm f'isem il-kumpanija sussidjarja matul il-perjodu ta' investigazzjoni bħala għotjiet, peress li kienu b'mod ċar destinati għas-sussidjarja u kellhom jitħallsu minnha.

(280)

Wara d-divulgazzjoni finali, iċ-China National Tire Group argumenta li s-self interkorporattiv meħud mill-kumpanija prinċipali f'isem il-kumpanija sussidjarja tagħha jenħtieġ li ma jiġix trattat bħala għotja minħabba li l-ftehimiet ta' self ġew iffirmati bejn il-kumpanija omm u l-banek. Għalhekk, dan is-self ma setax jiġi ttrattat bħala self tas-sussidjarji għall-kalkolu tal-benefiċċju tas-sussidju. Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din il-valutazzjoni minħabba li l-ftehimiet ta' self iffirmati mal-banek stipulaw b'mod ċar li l-iskop tas-self kien li jiġi pprovdut finanzjament lis-sussidjarji f'diffikultà. Barra minn hekk, ġew iffirmati ftehimiet speċifiċi bejn il-kumpanija prinċipali u s-sussidjarji fejn saru referenzi ċari għall-ftehimiet preċiżi tas-self mal-banek u ġie stipulat li s-sussidjarji kellhom iħallsu lura s-self bil-fondi tagħhom stess.

(281)

Iċ-China National Tire Group sostna wkoll b'mod ġenerali li s-self mogħti liż-żewġ produtturi esportaturi ma kienx jikkorrispondi għal għotjiet, peress li dan is-self ma nħafirx u ma sarx inadempjenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċċarat li ma kinitx ikkunsidrat is-self mogħti lill-kumpaniji fil-kampjun bħala ekwivalenti għal għotjiet. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li s-self mogħti lill-kumpaniji kellu obbligi ta' ħlas marbuta miegħu. Meta kkalkolat il-benefiċċju ta' din it-tranżazzjoni, il-Kummissjoni ma għamlitx paragun tar-rati tal-imgħax, iżda minflok ħadet l-ammont kapitali pendenti tas-self bħala punt tat-tluq. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li hija ma qisitx l-ammont kollu tas-self għall-kalkoli tal-benefiċċji, kif spjegat fil-premessa hawn taħt.

(282)

Il-benefiċċju mogħti kien ibbażat fuq l-ammont ta' kapital pendenti tas-self nieqes l-imgħax imħallas matul il-perjodu ta' investigazzjoni. L-ammont ta' kapital tas-self ġie aġġustat billi ġie deprezzat skont l-għan sottostanti tas-self. Fejn l-għan tas-self kien indikat bħala likwidità/kapital operatorju, ittieħed l-ammont kollu. Fejn is-self kien marbut b'mod ċar ma' investiment fuq terminu twil, l-ammont kapitali ġie deprezzat fuq il-perjodu ta' żmien tas-self, u ġie kkunsidrat biss l-ammont allokat għall-perjodu ta' investigazzjoni. Fl-aħħar nett, l-ammont tal-benefiċċju ġie aġġustat ulterjorment biex jirrifletti biss l-għadd ta' jiem fil-perjodu ta' investigazzjoni li fih kien attiv is-self.

(283)

Fl-aħħar nett, wara d-divulgazzjoni finali, iċ-China National Tire Group enfasizza li l-benefiċċju fuq is-self interkorporattiv miksub minn ChemChina Finance kien ġie magħdud darbtejn, peress li tqies fil-livell tal-benefiċjarji individwali fil-grupp, anki jekk il-Kummissjoni kienet diġà kkalkolat il-benefiċċju tas-sussidju tas-self interbankarju miksub minn ChemChina Finance mill-banek. Il-Kummissjoni aċċettat din id-dikjarazzjoni, u adattat il-kalkolu tal-benefiċċju għal self preferenzjali skont dan.

3.4.4.6.   Xingyuan Group

(284)

Il-Xingyuan Group ippreżenta lilu nnifsu f'sitwazzjoni finanzjarja ġeneralment diffiċli skont il-kontijiet finanzjarji tiegħu. Il-kumpanija ewlenija fil-grupp, li hija wkoll il-produttur esportatur ewlieni, kienet qed tagħmel telf matul il-perjodu kollu bejn l-2014 u l-2016. Fi tmiem l-2016, il-kumpanija kellha ekwità negattiva, għaliex il-proporzjon tad-dejn mal-assi tagħha qabeż il-100 % u t-telf akkumulat tagħha kien ogħla mill-kapital imħallas tagħha.

(285)

Matul iż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni sabet ukoll diversi selfiet rotanti fost is-self inkluż fil-kampjun, u nnotat li l-kumpanija kellha diffikultajiet biex tħallas lura l-imgħax u l-kapital fuq is-self. Diversi selfiet kienu tħallsu lura tard, u xi self li kien skada matul il-perjodu ta' investigazzjoni ma kienx tħallas lura wara diversi xhur.

(286)

Barra minn hekk, ir-rapport ta' kreditu tal-intrapriża tal-PBOC tal-kumpanija wera li l-kumpanija kellha obbligazzjonijiet sinifikanti barra l-karta bilanċjali, peress li kienet ipprovdiet garanziji għal self ipprovdut lil partijiet terzi mhux relatati fin-negozju tat-tajers fir-reġjun. Barra minn hekk, 31 % tas-selfiet pendenti tagħha kienu kklassifikati fil-kategorija “ta' tħassib” fir-rapport ta' kreditu tal-intrapriża.

(287)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni sabet li l-kumpanija kellha diffikultajiet biex tħallas lill-fornitur tal-materja prima prinċipali tagħha, u li kellha ammont pendenti importanti kkwalifikat bħala “self” ma' dan il-fornitur.

(288)

Min-naħa l-oħra, l-operatur tas-suq esportatur relatat kien kemxejn profittabbli matul il-perjodu kkunsidrat. Għalkemm ma kinitx qed tagħmel telf, il-livelli ta' profittabbiltà kienu ġeneralment dgħajfa, u dan jesponi lill-kumpanija għal bidliet avversi fil-kundizzjonijiet kummerċjali, finanzjarji jew ekonomiċi. Il-kumpanija kellha proporzjon għoli tad-dejn mal-assi, iżda ma kellha l-ebda self rotanti.

(289)

Minkejja dawn iċ-ċirkostanzi, ix-Xingyuan Group ingħata klassifikazzjoni tal-kreditu domestika AA matul il-perjodu ta' investigazzjoni minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ċiniża. Għalhekk, fid-dawl tad-distorsjonijiet ġenerali tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi msemmija fil-premessi (237) sa (242) hawn fuq, kif ukoll fid-dawl tal-evidenza misjuba matul il-verifika, il-Kummissjoni injorat il-klassifikazzjoni Ċiniża tax-Xingyuan Group.

(290)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali ta' hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li kien meħtieġ li ssib punt ta' riferiment xieraq għall-kumpaniji varji fil-grupp.

(291)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li fil-livell tal-produttur esportatur, is-sitwazzjoni kienet tali li din il-kumpanija ma kienx ikollha aċċess għal aktar self matul il-perjodu ta' investigazzjoni fin-nuqqas ta' appoġġ mill-Istat. Għalhekk, il-benefiċċju li rċevew dawn il-kumpaniji mar lil hinn minn żieda ordinarja mar-rata tal-imgħax. Minflok, il-benefiċċju matul il-perjodu tal-investigazzjoni rriżulta mill-għoti ta' self li ma kienx jingħata mingħajr appoġġ mill-Istat abbażi tas-sitwazzjoni finanzjarja globali tal-kumpanija. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li x-Xingyuan Group kien indikat bħala waħda mis-seba' intrapriżi reġjonali ewlenin tal-produzzjoni tat-tajers fil-Pjan ta' Implimentazzjoni għat-Trasformazzjoni u t-Titjib tal-Industrija tat-Tajers tal-Provinċja ta' Shandong.

(292)

Għalhekk, f'konformità mat-taqsima E(b)(V) tal-linji gwida tal-1998, il-Kummissjoni ddeċidiet li tittratta l-ammonti pendenti ta' dan is-self matul il-perjodu tal-investigazzjoni bħala għotja pprovduta fl-insegwiment tal-politiki tal-gvern. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kkumpensat biss is-self mogħti matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(293)

Għas-selfiet tal-produttur esportatur mogħtija qabel il-perjodu ta' investigazzjoni, u fid-dawl tal-eżistenza ta' self rotanti fil-livell ta' din il-kumpanija, il-Kummissjoni reġgħet lura għall-valur referenzjarju stabbilit fil-premessa (275) hawn fuq għas-self kollu b'maturità ta' sentejn jew inqas. Għal kull self li jifdal b'maturità ta' sentejn u aktar, il-Kummissjoni reġgħet lura għall-valur referenzjarju ġenerali li jagħti l-ogħla grad ta' bonds ta' “Grad mhux ta' investiment”, kif spjegat fil-premessa (251).

(294)

Għall-kumpaniji l-oħra tax-Xingyuan Group, il-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tista' tuża l-punt ta' riferiment ġenerali li jagħti l-ogħla grad ta' bonds ta' “Grad mhux ta' investiment”, kif spjegat fil-premessa (251).

3.4.4.7.   Linji ta' kreditu

(295)

L-investigazzjoni wriet li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi pprovdew ukoll linji ta' kreditu b'rabta mal-għoti ta' self individwali lil kull waħda mill-kumpaniji fil-kampjun. Dawn kienu jikkonsistu fi ftehimiet qafas, skont liema l-bank jippermetti lill-kumpaniji fil-kampjun jirtiraw sa ċertu ammont massimu ta' fondi fil-forma ta' diversi strumenti ta' dejn (self, kontijiet dokumentati, finanzjament kummerċjali, eċċ.). Taħt ċirkostanzi normali tas-suq, tali linji ta' kreditu normalment ikunu soġġetti għal hekk imsejħa tariffa ta' “arranġament” jew “impenn” biex jikkumpensaw għall-ispejjeż u r-riskji tal-bank, kif ukoll għal tariffi ta' tiġdid fuq bażi bikrija għat-tiġdid tal-validità tal-linji ta' kreditu. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li l-kumpaniji kollha fil-kampjun ibbenefikaw minn linji ta' kreditu pprovduti bla ħlas.

(296)

Skont l-Artikolu 6(d) (ii) tar-Regolament bażiku l-benefiċċju hekk mogħti lir-riċevituri jitqies li huwa d-differenza bejn l-ammont li l-kumpanija tħallas għall-forniment ta' linji ta' kreditu minn istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi u l-ammont li l-kumpanija kien ikollha tħallas għal linja ta' kreditu kummerċjali komparabbli li tista' tinkiseb mis-suq.

(297)

Wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun fil-Hankook Group kiseb linji ta' kreditu minn żewġ banek li l-kwartieri ġenerali tagħhom huma stabbiliti f'ġuriżdizzjoni finanzjarja li mhijiex ir-RPĊ u li kienu soġġetti għal tariffi ta' impenn u ta' arranġament kif inhi l-prattika normali fis-swieq finanzjarji dinjin. Billi dawk il-linji ta' kreditu mogħtija speċifikament lil kumpaniji li joperaw fin-negozju tat-tajers ma kinux soġġetti għal tariffi ta' tiġdid, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikax dawn it-tariffi f'dan il-każ. Il-linji ta' kreditu inkwistjoni għalhekk tqiesu bħala indikaturi raġonevoli għal punt ta' riferiment. B'riżultat ta' dan, il-medja tat-tariffi applikati għal dawn il-linji ta' kreditu ntużat bħala punt ta' riferiment skont l-Artikolu 6(d) (ii) tar-Regolament bażiku.

(298)

Il-livell tat-tariffi użati bħala valur referenzjarju ġie applikat pro rata għall-ammont ta' kull linja ta' kreditu inkwistjoni biex jinkiseb l-ammont ta' sussidju (bit-tnaqqis ta' kull tariffa attwalment imħallsa). F'każijiet fejn it-tul ta' żmin tal-linja ta' kreditu kien ta' aktar minn sena, l-ammont totali tas-sussidju kien allokat fuq it-tul ta' żmien tal-linja ta' kreditu u ammont xieraq attribwit għall-perjodu ta' investigazzjoni.

(299)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni u d-divulgazzjoni finali, il-Hankok Group sostna li ma ġew iċċarġjati l-ebda tariffi bil-quddiem minħabba li l-banek Ċiniżi ħadu f'kunsiderazzjoni d-dħul ġenerali ġġenerat fuq prodotti u servizzi oħrajn fid-deċiżjoni li tinfetaħ linja ta' kreditu għal kumpanija.

(300)

Il-Kummissjoni qablet li kull klijent li jiftaħ linja ta' kreditu f'bank huwa mistenni li jixtri prodotti u servizzi oħra ta' dak il-bank partikolari. Madankollu, hija prattika komuni li l-klijenti huma meħtieġa li jħallsu miżata bil-quddiem, kif muri bil-miżata bil-quddiem miżmuma minn żewġ banek barranin fuq il-ftuħ tal-linja ta' kreditu tagħhom lill-Hankook Group. Tabilħaqq, il-banek iridu jimpenjaw fondi biex jagħmluhom faċilment disponibbli f'kull ħin fiż-żmien li matulu tkun miftuħa l-linja ta' kreditu. Il-Hankook Group naqas milli jipprovdi xi evidenza dwar ir-raġunijiet allegati għar-rinunzja tat-tariffi bil-quddiem. Barra minn hekk, f'xi każijiet, il-mutwatarji jistgħu wkoll jintalbu jżommu ammont minimu fuq depożitu fil-bank. Għalhekk, il-pretensjoni tal-Hankook Group hija miċħuda.

(301)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Giti Group kkummenta li l-Kummissjoni użat numru ħażin ta' jiem pendenti għal għadd ta' linji ta' kreditu, u li ma naqqsitx xi wħud mill-miżati mħallsa mill-kumpanija mill-benefiċċju kkalkulat. Il-Kummissjoni aċċettat dawn il-kummenti parzjalment u rrevediet il-kalkolu tal-benefiċċju skont dan.

3.4.5.   Konklużjoni dwar self preferenzjali

(302)

L-investigazzjoni wriet li l-gruppi kollha fil-kampjun ta' produtturi esportaturi bbenefikaw minn self preferenzjali matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Minħabba l-eżistenza ta' kontribuzzjoni finanzjarja, benefiċċju għall-produtturi esportaturi u speċifiċità, dawn is-self u linji ta' kreditu jenħtieġ li jitqiesu bħala sussidju kumpensabbli.

(303)

L-ammont ta' sussidju stabbilit b'mod provviżorju fir-rigward tas-self preferenzjali matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun jammonta għal:

Self preferenzjali

Kumpanija/Grupp

Ammont ta' Sussidju globali

China National Tire Group

8,28 %

Giti Group

1,53 %

Hankook Group

0,34 %

Xingyuan Group

48,37 %

3.5.   Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: bonds

(304)

Tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun ibbenefikaw minn finanzjament preferenzjali fil-forma ta' bonds.

(a)    L-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istat aġixxew bħala korpi pubbliċi

(305)

Fiċ-Ċina, l-atturi fis-suq tal-bonds huma essenzjalment l-istess entitajiet bħal dawk li huma attivi fis-suq tas-self. Kumpaniji li jixtiequ joħorġu bonds jeħtieġu li jitolbu s-servizzi ta' istituzzjoni finanzjarja, li taġixxi bħala sottoskrittur. Is-sottoskritturi jorganizzaw il-ħruġ ta' bonds u jipproponu r-rati tal-imgħax li bihom il-bond jiġi ppreżentat lill-investituri. Dawn is-sottoskritturi huma l-istess banek tal-Istat li jipprovdu wkoll is-self preferenzjali kif diskuss fit-taqsima 3.4 hawn fuq. Barra minn hekk, l-investituri li jixtru l-bonds huma prinċipalment banek Ċiniżi (proprjetà tal-Istat), peress li aktar minn 95 % tal-volum totali ta' negozjar tal-bonds iseħħ fis-suq interbankarju (62).

(306)

Kif deskritt fit-taqsima 3.4.1 hawn fuq, dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji huma kkaratterizzati minn preżenza qawwija tal-Istat, u l-GTĊ għandu l-possibbiltà li jeżerċita influwenza sinifikanti fuqhom.

(307)

Il-qafas legali ġenerali li fih joperaw dawn l-istituzzjonijiet finanzjarji, u li diġà kien deskritt fit-taqsima 3.4 hawn fuq, huwa wkoll applikabbli għall-bonds. Barra minn hekk, id-dokumenti regolatorji li ġejjin japplikaw speċifikament għall-bonds:

(308)

Il-liġi tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar it-Titoli, riveduta u adottata fil-18-il Laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Għaxar Kungress tal-Poplu Nazzjonali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fis-27 ta' Ottubru 2005, u b'effett mill-1 ta' Jannar 2006 (verżjoni attwali promulgata fil-31 ta' Awwissu 2014) (il-“Liġi dwar it-Titoli”);

(309)

Miżuri Amministrattivi għall-Ħruġ u n-Negozjar ta' Bonds Korporattivi, Ordni tal-Kummissjoni Regolatorja tat-Titoli taċ-Ċina Nru 113, il-15 ta' Jannar 2015;

(310)

Miżuri tal-Amministrazzjoni ta' Strumenti ta' Finanzjament tad-Dejn ta' Intrapriżi mhux finanzjarji fuq is-Suq tal-Bonds Interbankarju Maħruġ mill-People's Bank of China, Ordni tal-People's Bank of China [2008] Nru 12, id-9 ta' April 2008;

(311)

Ir-Regolamenti dwar l-Amministrazzjoni tal-Bonds Korporattivi, maħruġa mill-Kunsill tal-Istat fit-18 ta' Jannar 2011.

(312)

F'konformità mal-qafas regolatorju, il-bonds ma jistgħux jinħarġu jew jiġu nnegozjati liberament fiċ-Ċina. Il-ħruġ ta' kull bond irid ikun approvat minn diversi awtoritajiet governattivi, bħall-PBOC, l-NDRC jew is-CSRC, skont it-tip ta' bond u t-tip ta' emittent. Barra minn hekk, skont ir-Regolamenti dwar l-Amministrazzjoni tal-Bonds Korporattivi, hemm kwoti annwali għall-ħruġ ta' bonds korporattivi.

(313)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 16 tal-Liġi dwar it-Titoli, il-ħruġ pubbliku ta' bonds jenħtieġ li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin: “l-investiment ta' fondi miġbura għandu jkun konformi mal-politiki industrijali tal-Istat […]” u “l-fondi kif miġbura […] għandhom jintużaw għall-iskop kif ivverifikat”. L-Artikolu 12 tar-Regolamenti dwar l-Amministrazzjoni tal-Bonds Korporattivi jtenni li l-għan tal-fondi miġbura jrid ikun konformi mal-politiki industrijali tal-Istat.

(314)

Skont il-Miżuri Amministrattivi għall-Ħruġ u Negozjar ta' Bonds Korporattivi, huma biss ċerti bonds li jikkorrispondu ma' kriterji stretti ta' kwalità, bħal klassifikazzjoni ta' kreditu AAA, li jistgħu jiġu offruti għal ħruġ pubbliku. Il-biċċa l-kbira tal-bonds għalhekk se jinħarġu privatament lil dawk li jissejħu investituri kwalifikati, li ġew approvati mis-CSRC, u li huma essenzjalment investituri istituzzjonali Ċiniżi.

(315)

Fl-aħħar nett, ir-rati tal-imgħax fuq il-bonds korporattivi mhumiex determinati liberament, peress li l-Artikolu 18 tar-Regolamenti dwar l-Amministrazzjoni tal-Bonds Korporattivi jiddikjara li “r-rata tal-imgħax offruta għal kwalunkwe bond korporattiv ma għandhiex tkun ogħla minn 40 % tar-rata tal-imgħax prevalenti mħallsa mill-banek lil individwi għal depożiti ta' tfaddil b'terminu fiss tal-istess maturità”.

(316)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll evidenza konkreta dwar l-eżerċizzju ta' kontroll b'mod sinifikanti abbażi ta' kwistjonijiet konkreti ta' bonds. Għalhekk, hija eżaminat l-ambjent legali ġenerali kif stabbilit hawn fuq fil-premessi (307) sa (315), flimkien mas-sejbiet konkreti tal-investigazzjoni.

(317)

Iż-żjarat ta' verifika wrew li kienu nħarġu bonds miż-żewġ gruppi ta' produtturi esportaturi fil-kampjun b'rati tal-imgħax qrib ir-rati tal-imgħax tal-punt ta' riferiment tal-People's Bank of China (“PBOC”), irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja u tar-riskju ta' kreditu tal-kumpaniji.

(318)

Fil-prattika, ir-rati tal-imgħax fuq il-bonds huma influwenzati mill-klassifikazzjoni tal-kreditu, simili għas-self. Madankollu, kif deskritt hawn fuq fil-premessi (237) sa (242), is-suq lokali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jsofri minn distorsjonijiet u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu mhumiex affidabbli. Dan intwera mill-fatt li l-prospetti tal-bonds u r-rapporti tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-bonds maħruġa mill-kumpaniji fil-kampjun ma kinux jikkorrispondu mas-sitwazzjoni attwali tal-kumpaniji.

(319)

F'każ wieħed, pereżempju, l-analiżi finanzjarja għall-ħruġ ta' bonds kienet ibbażata fuq fatturat għoli ħafna u profitt ta' 12 %, għalkemm ir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija wrew li fil-fatt kienet qed tagħmel it-telf.

(320)

F'każ ieħor, il-prospett dettaljat tal-bond wissa li l-livell ta' obbligazzjonijiet tal-kumpanija kien qed jiżdied, li “il-piż tad-dejn fuq l-emittent huwa kbir, u l-proporzjon tal-assi tiegħu huwa ogħla mill-medja tal-industrija… B'mod ġenerali, is-solvenza tal-emittent għal perjodu qasir hija relattivament baxxa, u għalhekk hemm ċerta pressjoni ta' solvenza fuq perjodu qasir… Il-kumpanija tiddependi prinċipalment fuq id-dħul mhux operattiv bħala l-profitti tagħha. Dan jirrappreżenta ħafna inċertezzi għall-profittabbiltà tagħha.” Madankollu, ir-rapport imbagħad ikkonkluda billi pprovda klassifikazzjoni tal-kreditu AAA għall-offerta ta' bonds.

(321)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnutat li f'ċirkustanzi normali tas-suq, ir-rati tal-imgħax fuq il-bonds jenħtieġ li bħala medja jkunu ogħla mir-rati tal-imgħax fuq is-self, minħabba li jitqiesu bħala dejn subordinat. Madankollu, fil-każ tal-kumpaniji fil-kampjun, ir-rati tal-imgħax fuq is-self kienu daqs jew ogħla mir-rati tal-imgħax fuq il-bonds.

(322)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi li jorganizzaw il-ħruġ ta' bonds għall-kumpaniji fil-kampjun huma korpi pubbliċi skont it-tifsira tal-Artikoli 3 u 2(b) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ġie pprovdut benefiċċju liż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, billi l-bonds inħarġu b'rati taħt ir-rati tas-suq li jikkorrispondu għall-profil ta' riskju attwali tagħhom.

(b)    Speċifiċità

(323)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-finanzjament preferenzjali permezz ta' bonds huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-bonds ma jistgħux jinħarġu mingħajr approvazzjoni minn awtoritajiet tal-gvern, u l-Liġi dwar it-Titoli tar-RPĊ tiddikjara li l-ħruġ ta' bonds irid ikun konformi mal-politiki industrijali tal-Istat. Skont dawn il-politiki, it-tajers radjali ta' prestazzjoni għolja (li jinkludu tajers bit-trakkijiet mingħajr tubu) huma speċifikati bħala kategorija inċentivata ta' prodotti.

(c)    Il-metodoloġija tal-kalkolu

(324)

Peress li l-bonds huma essenzjalment tip ieħor ta' strument ta' dejn, simili għal self, u billi l-metodoloġija ta' kalkolu għal self hija diġà bbażata fuq basket ta' bonds, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi l-metodoloġija ta' kalkolu għal self kif deskritt hawn fuq fit-taqsima 3.4.4. Dan ifisser li l-firxa relattiva bejn il-bonds korporattivi AA tal-Istati Uniti u l-bonds korporattivi tal-Istati Uniti BB bl-istess tul ta' żmien hija applikata għar-rati tal-imgħax ta' referenza ppubblikati mill-PBOC biex tiġi stabbilita rata tal-imgħax ibbażata fuq is-suq għal bonds, li mbagħad tiġi mqabbla mar-rata tal-imgħax reali mħallsa mill-kumpanija sabiex jiġi ddeterminat il-benefiċċju.

(325)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward tal-bonds preferenzjali matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun jammonta għal:

Finanzjament preferenzjali: bonds

Kumpanija/Grupp

Ammont ta' Sussidju globali

China National Tire Group

0,72 %

Xingyuan Group

0,12 %

3.6.   Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: krediti tax-xerrej tal-esportazzjoni

(326)

Skont l-ilmentatur, il-banek tal-Istat fiċ-Ċina pprovdew krediti tax-xerrej għall-esportazzjoni jew self konċessjonarju lil kumpaniji barranin, bħal importaturi, sabiex jippromwovu l-esportazzjoni ta' prodotti, teknoloġija u servizzi Ċiniżi, bħal tajers.

(327)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-ebda wieħed mill-importaturi, kemm jekk relatati kif ukoll jekk mhux relatati, ma kellu xi self pendenti mill-istituzzjonijiet finanzjarji Ċiniżi fil-kontijiet tiegħu. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li dan il-programm ma kienx applikabbli għall-kumpaniji fil-kampjun matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

3.7.   Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: appoġġ għal investiment barrani

(328)

Fi tmiem l-2015, is-CNRC akkwsitat sehem ta' 65 % fil-Pirelli Group. Dan il-Grupp kien ivvalutat għal EUR 7,1 biljun f'dak iż-żmien. Din l-akkwiżizzjoni kienet akkumpanjata minn diversi miżuri ta' appoġġ mill-GTĊ.

(329)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni u d-divulgazzjoni finali, il-GTĊ, Pirelli u s-CNRC sostnew li l-Kummissjoni ma setgħetx tinvestiga din l-iskema peress li ma kinitx koperta mill-ilment jew min-Notifika ta' Bidu. Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTĊ tenna din l-affermazzjoni u argumenta li l-Kummissjoni ma pprovdietx opportunità għal konsultazzjonijiet qabel il-bidu, skont l-Artikolu 10(7) tar-Regolament bażiku, li jwaqqaf lir-RPĊ milli tipproponi pożizzjoni maqbula b'mod reċiproku. Barra minn hekk, il-GTĊ iddikjara li skemi ġodda jistgħu jiġu kkumpensati biss jekk ikun hemm bażi legali fil-liġi tal-UE. Madankollu, din il-bażi legali ġiet introdotta biss mad-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 10(7) il-ġdid, it-tieni paragrafu, tar-Regolament bażiku f'Diċembru 2017 (63), li ma kienx applikabbli għal dan il-proċediment. Is-CNRC kienet tal-fehma li kull programm kellu jissemma individwalment fin-notifika ta' bidu. Billi l-Kummissjoni kienet irreferiet biss għal “għotjiet” jew “self” u mhux għal “investiment ta' ekwità” l-investiment tal-SRF ma kienx kopert mill-proċedimenti.

(330)

Il-Kummissjoni ma qablitx. In-Notifika ta' Bidu tirreferi għat-“(1) trasferiment dirett ta' fondi u trasferiment dirett potenzjali ta' fondi jew obbligazzjonijiet”. Kemm skont l-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament AS kif ukoll skont l-Artikolu 1.1(a)(1)(i) tal-Ftehim SCM, it-terminu “trasferiment dirett għal fondi” huwa spjegat mill-eżempji fil-parentesi. Dawn jinkludu “pereżempju, għotjiet, self, infużjoni ta' ekwità”. Bħala investiment ta' ekwità, l-investiment tal-SRF kien għalhekk kopert min-Notifika ta' Bidu taħt l-intestatura “trasferiment dirett ta' fondi”. Barra minn hekk, kif spjegat hawn taħt fil-premessi (334) sa (340), l-FUR l-investiment ma kienx meqjus bħala programm separat u awtonomu għall-iskop ta' din l-investigazzjoni. Minflok, l-investiment tal-FUR kien jikkostitwixxi intervent addizzjonali f'pakkett ta' ħames interventi finanzjarji mill-Gvern taċ-Ċina fil-kuntest tal-akkwist ta' Pirelli. Flimkien ma' investiment ta' ekwità ieħor minn CINDA, il-partijiet l-oħra tal-pakkett kienu għotja, self, u ħlas lura ta' imgħax li s-CNRC taċċetta li kienet suġġetta kif suppost għal investigazzjoni. Billi analizzat l-investiment tal-SRF, il-Kummissjoni għalhekk ma inkludietx programm separat fl-investigazzjoni, iżda pjuttost ħarset lejn il-partijiet rilevanti kollha ta' miżura finanzjarja waħda kumplessa, bħala parti minn programm li jippromwovi l-kummerċ barrani f'dan il-kuntest.

(331)

Barra minn hekk, anki jekk kien hemm dubju dwar l-ambitu tas-sussidji koperti mill-proċediment, il-Kummissjoni eliminat dawn id-dubji bi trasparenza sħiħa matul l-investigazzjoni. Il-kwistjoni tan-natura bbażata fuq is-suq ta' investimenti magħmula mis-Silk Road Fund (“SRF”) tqajmet permezz ta' ftehim komuni matul iż-żjara ta' verifika mill-GTĊ, fejn il-GTĊ ipprovda wkoll informazzjoni utli dwar in-natura tal-SRF. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet ukoll sorpriża dwar l-allegazzjoni tas-CNRC li saret wara d-divulgazzjoni finali li l-GTĊ kien għamel biss tweġiba bil-fomm matul iż-żjara ta' verifika tal-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ma kinitx talbet aktar informazzjoni dwar in-natura bbażata fuq is-suq tal-SRF. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni kienet bagħtet ittra skont l-Artikolu 28 lill-GTĊ f'dak ir-rigward u rċeviet xi dokumentazzjoni dwar l-investiment tal-SRF mill-GTĊ, li għal darb' oħra tenfasizza li dan l-aspett tal-finanzjament tal-GTĊ kien parti kif suppost tal-proċedura.

(332)

Il-pretensjoni li l-investiment tal-SRF kien barra mill-ambitu tal-investigazzjoni kienet għalhekk miċħuda.

(a)    Bażi ġuridika

(333)

It-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp ta' Kummerċ Barrani, maħruġ mill-Ministeru tal-Kummerċ (“MOFCOM”), is-26 ta' Diċembru 2016;

It-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin;

L-opinjonijiet ta' Gwida tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promozzjoni tal-Kapaċità tal-Produzzjoni Internazzjonali u t-Tagħmir tal-Manifattura tal-Kooperazzjoni, maħruġa fl-2015 (“Opinjonijiet ta' Gwida”);

Avviż dwar l-Approprjazzjoni ta' Fondi Sussidjati ta' Proġetti Ewlenin tal-Fondi Speċjali tal-2015 għall-Iżvilupp tal-Kummerċ u Ekonomija Barranin, C.H. [2015] Nru 653 u l-Fajl Chemsina [2016] Nru 144;

Notice of the Ministry of Finance on Release of Central State-Owned Capital Operating Budget in 2016 (Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi dwar ir-Rilaxx tal-Baġit Operattiv Ċentrali tal-Kapital tal-Istat fl-2016), CZ [2016], Nru 18.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(334)

Il-Kummissjoni sabet li l-GTĊ intervjena b'diversi modi biex jiffaċilita l-akkwist tas-sehem ta' 65 % fil-Pirelli Group mis-CNRC.

(335)

L-ewwel nett, is-CNRC irċeviet għotja ta' 500 miljun RMB (madwar EUR 66 miljun) mis-SASAC, biex “tippromwovi kooperazzjoni globali tal-kapaċità tal-produzzjoni skont “l-Inizjattiva One Belt, One Road””, f'konformità mal-Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi dwar ir-Rilaxx tal-Baġit Operattiv tal-Kapital tal-Istat Ċentrali fl-2016, CZ[2016], Nru 18.

(336)

It-tieni, is-CNRC irċieviet self preferenzjali ta' EUR 800 miljun minn konsorzju ta' banek inklużi China Development Bank (“CDB”), EXIM u China Construction Bank (“CCB”). Il-Ftehim ta' self isemmi bħala l-iskop tas-self l-akkwist ta' Pirelli.

(337)

It-tielet, is-CNRC irċeviet rifużjoni ta' RMB 17-il miljun tal-imgħax imħallas fuq is-self imsemmi fil-premessa hawn fuq. Din ir-rifużjoni ngħatat mill-Ministeru tal-Finanzi “għall-akkwist tad-drittijiet tal-ishma ta' Pirelli” bħala parti mill-“proġetti ewlenin tal-fondi speċjali tal-2015 għall-iżvilupp tal-kummerċ barrani”, skont l-Avviż dwar l-Approprjazzjoni tal-Fondi Sussidjati ta' Proġetti Ewlenin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ u l-Ekonomija Barranin tal-2015, C.H. [2015] Nru 653 u l-Fajl Chemsina [2016] Nru 144.

(338)

Ir-raba', il-GTĊ pparteċipa fl-akkwist tas-sehem fil-Pirelli Group billi pprovda parteċipazzjoni ta' ekwità b'valur ta' EUR 533 miljun permezz tal-Fond Silk Road (“SRF”), fond ta' investiment tal-gvern li huwa parti mill-“Inizjattiva One Belt One Road”. Il-Ftehim ta' investiment jittratta d-dettalji prattiċi tat-tranżazzjoni, iżda ma jgħid xejn dwar il-kundizzjonijiet sottostanti. Il-Kummissjoni ma ngħatatx dokumenti oħra bejn l-SRF u s-CNRC fir-rigward ta' din l-operazzjoni speċifika.

(339)

Fl-aħħar nett, il-GTĊ pparteċipa fl-eżerċizzju ta' ristrutturar fiċ-China National Tire Group wara l-akkwiżizzjoni billi pprovda parteċipazzjoni azzjonarja b'valur ta' EUR 266 miljun permezz ta' China Cinda Asset Management Company Ltd. (“Cinda”) fil-kumpanija li hi s-sid tan-negozji tat-tajers industrijali tal-Pirelli Group.

(340)

Il-ħames interventi kollha kellhom l-għan komuni li jippermettu lis-CNRC biex tixtri lil Pirelli. Flimkien, dawn issir referenza għalihom bħala “il-miżura”.

(c)    Korpi Pubbliċi

(341)

Parti mis-sostenn tal-GTĊ kien għalhekk ipprovdut direttament (eż. permezz ta' għotjiet), parti minnu kienet ipprovduta indirettament permezz ta' entitajiet tal-Istat. Rigward is-self preferenzjali msemmi fil-premessa hawn fuq, il-Kummissjoni diġà stabbiliet fit-taqsima 3.4.1 hawn fuq li CDB, EXIM u CCB kienu qed jaġixxu bħala korpi pubbliċi fit-tifsira tal-Artikoli 3 u 2(b) tar-Regolament bażiku meta pprovdew self lill-kumpaniji fil-kampjun.

(342)

Fir-rigward ta' SRF u Cinda, il-Kummissjoni sabet li ż-żewġ entitajiet huma kompletament proprjetà tal-GTĊ u l-istruttura ta' governanza korporattiva tagħhom tindika li l-Istat jeżerċita influwenza sinifikanti fuqhom.

(343)

Skont is-sit web tagħha, l-SRF hija entità tal-Istat stabbilita u appoġġata mill-Istat biex tipprovdi appoġġ ta' investiment u finanzjament għall-kooperazzjoni kummerċjali u ekonomika u għall-konnettività fil-qafas tal-Inizjattiva Belt u Road. Il-kumpanija hija 100 % proprjetà tal-Istat permezz tal-Amministrazzjoni tal-Istat tal-Kambju Barrani, il-Korporazzjoni Ċiniża tal-Investiment, EXIM Bank u CDB. Hija għandha bord tad-diretturi u bord tas-superviżuri, li jikkonsistu minn rappreżentanti minn diversi Ministeri.

(344)

Cinda twaqqfet bħala intrapriża tal-istat u bank ħażin għaċ-China Construction Bank fl-1999. Skont ir-Rapport Annwali tagħha, hija kienet l-ewwel kumpanija tal-ġestjoni tal-assi stabbilita f'April 1999 wara l-approvazzjoni tal-Kunsill tal-Istat biex tindirizza r-riskju finanzjarju u żżomm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kif ukoll biex tiffaċilita r-riforma tal-banek u tal-intrapriżi tal-istat. Fl-2017, l-azzjonisti ewlenin tal-kumpanija kienu l-Ministeru tal-Finanzi (64,45 %) u l-Kunsill Nazzjonali għall-Fond tas-Sigurtà Soċjali tar-RPĊ (7,06 %). Il-Bord tad-Diretturi u l-Bord tas-Superviżuri tal-kumpanija jikkonsistu f'taħlita ta' rappreżentanti minn awtoritajiet governattivi u istituzzjonijiet finanzjarji kbar proprjetà tal-Istat.

(345)

Il-ġestjoni tal-assi f'diffikultà hija n-negozju ewlieni tal-kumpanija. Skont ir-Rapport Annwali tagħha, il-kumpanija “ikkoordinat mill-qrib l-istrateġija nazzjonali”, u appoġġat, fost l-oħrajn, il-bini tal-Inizjattiva “Belt and Road”. Il-kumpanija wegħdet ukoll li “se tistudja u timplimenta bil-ħerqa l-ispirtu tad-19-il Kungress Nazzjonali tal-PKK u l-Ħsieb ta' Xi Jinping dwar is-Soċjaliżmu b'Karatteristiċi Ċiniżi għal Era Ġdida, issaħħaħ b'mod vigoruż it-tmexxija ġenerali tal-Parti u tipprovdi garanzija politika qawwija għall-iżvilupp tal-Kumpanija”.

(346)

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta matul iż-żjara ta' verifika, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli pubblikament, il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet l-eżistenza ta' indizji formali ta' kontroll tal-gvern fir-rigward ta' SRF u Cinda.

(347)

Il-Kummissjoni fittxet aktar informazzjoni dwar jekk il-GTĊ eżerċitax kontroll sinifikanti fuq l-imġiba ta' SRF u Cinda. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnutat li l-parteċipazzjoni tagħhom trid titqies fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv li ġej:

(348)

It-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika dwar il-kummerċ barrani taċ-Ċina, li jinkludu l-ftuħ ta' kamp ta' applikazzjoni akbar u ta' livell ogħla u l-ikkombinar ta' “ħruġ” u “introduzzjoni” biex jiġi xprunat it-tkabbir fil-kummerċ. Il-pjan għandu l-għan ukoll li jippromwovi trasformazzjoni minn esportazzjonijiet iddominati minn oġġetti għal esportazzjonijiet ta' prodotti, servizzi, teknoloġiji u kapital. F'dan il-kuntest, wieħed mill-kompiti ewlenin stipulati fil-Kapitolu III.3 tal-Pjan isemmi t-tisħiħ tal-kapaċità tal-operazzjoni tranżnazzjonali tal-intrapriżi kummerċjali barranin, li jinkoraġġixxi kumpaniji b'saħħithom biex jestendu l-ktajjen industrijali, iwettqu fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet tranżnazzjonali, u jiksbu ditti ta' kwalità, teknoloġiji ewlenin u kanali ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-Pjan isemmi wkoll li se jiġu pprovduti appoġġi sistematiċi għal intrapriżi tranżnazzjonali bi kreditu tajjeb, u b'hekk jiġi ffurmat grupp ta' intrapriżi kbar b'kapaċità ta' negozju tranżnazzjonali li għandhom netwerk tas-suq tad-distribuzzjoni globali.

(349)

L-Opinjonijiet ta' Gwida tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promozzjoni tal-Kapaċità tal-Produzzjoni Internazzjonali u l-Kooperazzjoni dwar il-Manifattura tat-Tagħmir jipprovdu aktar dettalji dwar kif l-istrateġija “ta' ħruġ” trid tiġi implimentata fil-prattika. L-għanijiet huma li ssir promozzjoni mill-esportazzjoni tal-prodotti lejn l-esportazzjoni tal-industriji u biex “jiġu attivament żviluppati” u “aċċessati” s-swieq fil-pajjiżi żviluppati. L-għan aħħari huwa li niffurmaw numru ta' intrapriżi ewlenin b'kompetittività internazzjonali u b'kapaċità għall-iżvilupp tas-suq.

(350)

L-Artikoli 30 sa 36 ta' dawn l-Opinjonijiet ta' Gwida jelenkaw l-appoġġ kollu ta' politika li l-kumpaniji li “joħorġu barra mill-pajjiż” jistgħu jirċievu, bħal politiki fiskali u ta' appoġġ tat-taxxa, self konċessjonali, appoġġ finanzjarju permezz ta' self sindakat, krediti għall-esportazzjoni, u finanzjament tal-proġetti, investiment ta' ekwità, u fl-aħħar nett assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni.

(351)

L-Artikolu 35 isemmi speċifikament il-Fond Silk Road bħala għodda biex jiġu ffinanzjati proġetti appoġġati mill-Istat, li jintuża biex “jiżdiedu s-sorsi tal-investiment ta' ekwità. … Se naraw li r-rwol tal-Fond Silk Road jilħaq il-milja tiegħu. Se nappoġġaw attivament il-kapaċità tal-produzzjoni internazzjonali u l-proġetti ta' kooperazzjoni tal-manifattura ta' tagħmir permezz ta' investiment ta' ekwità u finanzjament bid-dejn”.

(352)

Barra minn hekk, is-Silk Road Fund innifsu jgħid fuq is-sit web tiegħu li l-għan tiegħu huwa li jgħin lill-intrapriżi Ċiniżi jtejbu l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tagħhom billi jagħtihom aċċess aħjar għas-swieq barranin permezz tat-twaqqif ta' operazzjonijiet barranin u permezz tal-akkwist ta' teknoloġija avvanzata barranija.

(353)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv li kellu jiġi rispettat mill-maniġers u mis-superviżuri maħtura mill-GTĊ u li huma responsabbli lejn il-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ qagħad fuq il-qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b'mod sinifikanti fuq l-imġiba tal-SRF u ta' Cinda.

(354)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-imġiba konkreta tal-SRF u ta' Cinda u nnutat li fil-kuntest tal-akkwiżizzjoni tas-sehem fil-Pirelli Group, dawn iż-żewġ entitajiet aġixxew bħala investituri finanzjarji, u fil-fatt ma jeżerċitaw l-ebda kontroll operazzjonali fuq l-investimenti tagħhom. Barra minn hekk, it-tnejn li huma jagħtu benefiċċju li ma jistax jinkiseb taħt ċirkostanzi tas-suq normali:

(355)

Cinda ħallset ammont li huwa straordinarjament għoli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital. Cinda ħallset EUR 266 miljun għal din il-parteċipazzjoni fl-ekwità, għalkemm is-sehem sottostanti fl-ekwità kien jikkorrispondi biss għal EUR 38 miljun, u l-assi netti tal-kumpanija kienu jiswew EUR 73 miljun.

(356)

F'dan ir-rigward, skont id-dikjarazzjonijiet proprji tiegħu, l-SRF għandu l-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti li ma għandhomx biżżejjed kapital proprju, billi jnaqqas il-proporzjon tad-dejn globali u jtejjeb il-kapaċità finanzjarja tal-proġetti. Fl-istess ħin, il-fond jiffaċilita s-self sindikat (bħas-self preferenzjali msemmi fil-premessa (336) hawn fuq), li jipprovdi aktar appoġġ finanzjarju għall-proġetti. Il-ftehim ta' Pirelli huwa msemmi ripetutament mill-SRF innifsu fuq is-sit web tiegħu bħala eżempju ta' dan il-metodu ta' ħidma.

(357)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-qafas legali stabbilit hawn fuq qed jiġi implimentat mill-SRF u Cinda fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet governattivi fir-rigward tas-settur tat-tajers, u b'hekk qed jaġixxu bħala korpi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku u skont il-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO.

(358)

Barra minn hekk, anki li kieku l-SRF u Cinda kellhom ma jitqisux bħala korpi pubbliċi, il-Kummissjoni sabet li huma kienu jitqiesu wkoll bħala inkarigati u diretti mill-GTĊ sabiex iwettqu funzjonijiet normalment vestiti fil-gvern, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku għall-istess raġunijiet kif stabbilit fil-premessi (342) sa (356) hawn fuq. B'hekk, f'kull każ, l-imġiba tagħhom tiġi attribwita lill-GTĊ.

(359)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni u d-divulgazzjoni finali, is-CNRC u Pirelli argumentaw li l-SRF u Cinda mhumiex korpi pubbliċi, peress li l-SRF mhuwiex aġenzija tal-għajnuna u kemm l-SRF kif ukoll Cinda jsegwu redditu bbażat fuq is-suq bħal kull investitur privat. Fil-fehma tas-CNRC, il-fatt li l-investiment tal-SRF kien ħallas għall-ishma ta' Pirelli bil-prezz tas-suq ikkonferma li d-deċiżjonijiet dwar l-investiment tal-SRF jittieħdu b'mod indipendenti u huma bbażati fuq il-prinċipji tas-suq.

(360)

Il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi tal-korp pubbliku twieġeb għall-mistoqsija jekk entità hijiex vestita b'awtorità governattiva. L-Istat mhux biss huwa s-sid tal-SRF (kif stabbilit fil-premessi (343) sa (346)), iżda l-gvern jeżerċita wkoll kontroll sinifikanti fuqu. Jekk id-deċiżjonijiet dwar l-SRF individwali jew le humiex sodi minn perspettiva kummerċjali, mhuwiex dispożittiv. Pjuttost, il-punt deċiżiv huwa li d-deċiżjonijiet dwar l-SRF ma jittiħdux b'mod indipendenti mill-influwenza tal-gvern. Kif jidher fil-premessi (348) sa (353) hemm qafas normattiv b'saħħtu, li fih l-SRF jaħdem bħala strument tal-gvern biex isegwi l-għanijiet tal-politika tal-inizjattiva “One Belt One Road” (li issa ngħatat l-isem ġdid ta' inizjattiva Belt and Road (“l-Inizjattiva BR”)). Il-maniġers tal-SRF maħtura mill-GTĊ u ssorveljati minnu jwettquhom u b'hekk jeżerċitaw kontroll sinifikanti fuq l-SRF. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjoni tagħha li l-SRF jikkostitwixxi korp pubbliku jew huwa mill-inqas fdat jew ordnat mill-gvern biex iwettaq funzjonijiet normalment vestiti fil-gvern, bħal li jsegwi objettivi tal-politika pubblika.

(d)    Il-benefiċċju

(361)

CNRC u Pirelli kkummentaw ukoll fid-Dokument ta' Informazzjoni li l-Kummissjoni ma ppruvatx li t-termini tal-investiment tal-SRF kienu inkonsistenti mal-prattika normali tal-investiment. Kull benefiċċju jenħtieġ li jkun limitat għad-differenza bejn it-termini offruti mill-gvern u t-termini li r-riċevitur seta' jikseb fis-suq. F'kull każ ma kien hemm l-ebda benefiċċju għas-CNRC jew għal Pirelli, peress li l-fondi ġew ipprovduti lill-azzjonisti preċedenti ta' Pirelli biex jakkwistaw l-ishma tagħhom.

(362)

Il-Kummissjoni ma qablitx mal-fatt li l-investiment tal-SRF ma ta l-ebda benefiċċju lis-CNRC u li t-tranżazzjoni kienet komparabbli ma' dak li seta' jinkiseb fis-suq minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

(363)

Filwaqt li l-SRF ħallas għall-ishma ta' Pirelli bil-prezz tas-suq, il-vantaġġ tal-intervent tal-gvern għas-CNRC huwa separat mill-prezz li bih sar l-investiment fl-ekwità tal-SRF. Tabilħaqq, il-benefiċċju tal-intervent tal-gvern kien jinsab fil-fatt li s-CNRC ma kellhiex fondi proprji suffiċjenti biex tiffinanzja l-akkwist ta' Pirelli. Il-ftehim kien għalhekk ibbażat fuq ingranaġġ qawwi. Kieku l-SRF ma kienx intervjena biex jieħu sehem fil-kapital, is-CNRC kien ikollha tikseb fondi addizzjonali fis-suq tas-self. Madankollu, dan kien ikun diffiċli minħabba l-ingranaġġ għoli li kellha diġà. F'dan ir-rigward, waħda mill-prekundizzjonijiet tas-self mogħti miċ-China Development Bank lis-CNRC stipulat li s-CNRC kellha bżonn tipprova li kienet kisbet fondi addizzjonali minn sorsi oħra. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (356) hawn fuq, l-SRF jirreklama fuq is-sit web tiegħu li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti li ma għandhomx kapital proprju biżżejjed, billi jnaqqas il-proporzjon tad-dejn globali u jtejjeb il-kapaċità finanzjarja tal-proġetti. Fl-istess ħin, il-fond jiffaċilita s-self sindikat, li jipprovdi aktar appoġġ ta' finanzjament għal proġetti.

(364)

Anki li kieku s-CNRC kienet kapaċi tiżgura l-fondi neċessarji permezz ta' self addizzjonali, dan kien iġorr prezz, minħabba li l-kumpanija kien ikollha tħallas l-imgħax fuq is-self, u kien ikollha tħallas lura l-kapital tas-self. Bis-saħħa tal-intervent tal-SRF, is-CNRC għalhekk ma kellha l-ebda spiża ta' finanzjament addizzjonali, u tejbet il-proporzjon tad-dejn tat-tranżazzjoni, li min-naħa tiegħu ffaċilita l-forniment ta' fondi mill-banek.

(365)

Barra minn hekk, l-investiment tal-SRF kien jikkorrispondi bl-eżatt mal-ammont li kien meħtieġ mis-CNRC biex tikseb sjieda maġġoritarja assoluta fil-Pirelli Group (65 % kontra 48,75 % mingħajr SRF). Din is-sjieda maġġoritarja ġiet akkwistata mingħajr ma ġie ċedut il-kontroll lil azzjonist minoritarju.

(366)

Fl-aħħar nett, il-perjodu ta' immobbiltà għall-ħruġ tal-SRF huwa ħafna itwal mis-soltu għall-investituri ta' kapital ta' riskju privat, li jixtiequ jimmassimizzaw ir-redditi tagħhom mill-aktar fis possibbli.

(367)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CNRC ikkontestat dawn l-argumenti. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni wettqet analiżi kontrofattwali żbaljata billi eżaminat jekk l-investiment ta' ekwità tal-SRF kienx konsistenti mal-prattika normali tal-investiment ta' investituri privati li jagħmlu investimenti ta' dejn. Hija fakkret ukoll id-diversi passi fl-investiment tal-SRF, bl-argument li dan kien kompletament konsistenti mal-prattika normali tal-investiment bħala akkwiżizzjoni maġġoritarja ingranata. B'mod partikolari, il-perjodu tal-immobbiltà għall-ħruġ tal-SRF ma kienx eċċezzjonalment twil. Huwa ġie tterminat qabel l-iskeda u kien l-istess bħal ta' azzjonisti minoritarji oħra. Fl-aħħar nett, għas-CNRC, dikjarazzjonijiet ta' politika ġenerali mhumiex biżżejjed biex juru l-benefiċċju mogħti mill-kontribuzzjoni finanzjarja.

(368)

Il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretensjoni. Il-benefiċċju għas-CNRC bħala l-benefiċjarju tal-investiment tal-SRF kien multidimensjonali. Investitur tas-suq li jikkunsidra parteċipazzjoni azzjonarja tat-tip operat mill-SRF kien ikollu jevalwa r-riskji assoċjati mat-tranżazzjoni. Is-sieħeb industrijali tiegħu, is-CNRC, ma kellhiex f'dak iż-żmien biżżejjed fondi biex issir is-sid maġġoritarju ta' Pirelli u kienet tiddependi fuq li ssib investitur finanzjarju biex jakkumpanjaha. Kif iddikjarat fil-premessa (363), is-CNRC setgħet tirċievi biss self addizzjonali minn banek oħrajn minħabba titjib fil-proporzjon globali tad-dejn. Billi ta ċ-ċavetta lis-CNRC biex issir mhux biss l-azzjonist maġġoritarju f'Pirelli, iżda wkoll biex tikseb self addizzjonali, l-investiment tal-SRF kien parti essenzjali minn operazzjoni tal-GTĊ biex iżid lil Pirelli mal-portafoll tas-CNRC. Investitur tas-suq kien jagħmel użu minn din il-pożizzjoni u kien jipprovdi fondi b'termini sostanzjalment differenti.

(369)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat il-ftehim mhux tas-soltu ta' SRF li tirrinunzja għad-drittijiet tal-vot tagħha fil-bord favur is-CNRC. Huwa dubjuż ħafna jekk investitur tas-suq kienx ikun sodisfatt li “jagħti s-setgħa” lis-CNRC biex issir azzjonista maġġoritarja b'kontroll operazzjonali sħiħ u li jitlef id-drittijiet tal-vot tiegħu biex jaġixxi bħala azzjonist minoritarju “mingħajr setgħa”.

(370)

It-tieni, il-perjodu relattivament twil tal-lock-up għall-SRF jenfasizza li l-investiment tal-SRF kien wieħed iggwidat mill-politika pubblika. Investitur tas-suq kien jinsisti fuq perjodu ferm iqsar biex jimmassimizza r-redditi tiegħu – u l-fatt li azzjonisti minoritarji oħra aċċettaw l-istess termini huwa irrilevanti peress li waħda minnhom mhijiex investitur finanzjarju affattu, u filwaqt li l-oħra topera bħala fond ta' investiment fit-tul. Avvenimenti li seħħew wara li sar l-investiment, jiġifieri t-terminazzjoni preċedenti tal-arranġament ta' lock-up minħabba l-elenkar mill-ġdid ta' Pirelli qabel iż-żmien skedat, jikkonfermaw l-istess punt: dawn juru li l-perjodu ta' lock-up miftiehem ma kienx konsistenti mat-termini standard tas-suq għal investitur finanzjarju b'influwenza daqshekk kbira fuq is-CNRC kif spjegat hawn fuq.

(371)

It-tielet, id-drittijiet ta' preċedenza għas-CNRC biex tixtri l-ishma li jifdal wara tmiem il-perjodu ta' lock-up biex tikseb kontroll sħiħ fuq il-kumpanija mhumiex ibbażati fuq is-suq. Investitur tas-suq orjentat lejn il-profitti kien iżomm il-flessibbiltà biex jikseb prezz ogħla għall-ishma jekk ikun hemm offerenti f'kompetizzjoni għalihom u ma kienx jaqbel dwar dawn id-drittijiet ta' preċedenza. L-eżistenza tagħhom għal darb' oħra tikkonferma li l-investiment tal-SRF segwa għan ta' politika pubblika li jgħin lis-CNRC bħala intrapriża tal-istat fl-ikkompletar tal-akkwist tagħha ta' Pirelli fuq termini favorevoli.

(372)

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha li l-investiment tal-SRF ipprovda benefiċċju lis-CNRC.

(373)

Rigward Cinda, il-kuntest għad-determinazzjoni tal-benefiċċju kien differenti, peress li l-fondi kienu effettivament imħallsa lis-CNRC, u minħabba li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-parteċipazzjoni azzjonarja ma kinitx ibbażata fuq prezz konformi mas-suq, kif imsemmi fil-premessa (355) hawn fuq. Bi tweġiba għad-Dokument ta' Informazzjoni, is-CNRC u Pirelli ssottomettew rapport ta' valutazzjoni tal-assi biex jistabbilixxu li l-investiment kien sar fuq termini bbażati fuq is-suq. Wara l-verifika, il-Kummissjoni sabet li ċ-ċifri indikati fir-rapport ta' valutazzjoni ma kinux jikkorrispondu maċ-ċifri għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-rapport ta' valutazzjoni ma kienx jikkonċerna l-investiment minn Cinda, iżda kien ġie mfassal fil-kuntest ta' tranżazzjoni ta' ekwità oħra fil-grupp CNRC. Din it-tranżazzjoni kienet tinvolvi wkoll lil Pirelli Industrial Srl., iżda kienet tikkonċerna xerrej differenti u perjodu ta' żmien differenti, sena qabel il-parteċipazzjoni ta' Cinda fl-ekwità. Il-Kummissjoni osservat li Pirelli Industrial Srl. kienet għaddiet minn eżerċizzju maġġuri ta' ristrutturar matul is-sena 2016. Bħala tali, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fi tmiem l-2016, kif evidenzjat fir-rapport tal-awditjar għall-2016, ma kienx aktar komparabbli mas-sitwazzjoni ppreżentata fir-rapport tal-valutazzjoni tal-assi ppreżentat mis-CNRC. Fin-nuqqas ta' informazzjoni verifikabbli dwar l-entitajiet u l-perjodu ta' żmien korretti, il-Kummissjoni għalhekk żammet il-pożizzjoni tagħha rigward l-investiment ta' Cinda.

(374)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CNRC u Pirelli esprimew ukoll nuqqas ta' qbil ma' din l-analiżi. Fil-fehma tiegħu, ma kien hemm l-ebda benefiċċju għas-CNRC, peress li l-investiment ta' Cinda kien konsistenti mal-prassi normali tal-investiment. B'mod partikolari, b'appoġġ għad-dikjarazzjoni tagħhom, irreferew għall-istess rapport ta' valutazzjoni li sar minn evalwatur indipendenti analizzat fil-premessa hawn fuq. Minkejja li rrikonoxxew li r-rapport sar tabilħaqq fil-kuntest ta' tranżazzjoni ta' ekwità differenti, huma argumentaw li dan mhuwiex biżżejjed biex jeskludi li jista' jintuża bħala referenza għal tranżazzjonijiet oħra (bħall-akkwist magħmul minn Cinda).

(375)

Il-Kummissjoni ma aċċettatx din il-pretensjoni għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fil-premessa (373) hawn fuq u kif rikonoxxut minn Pirelli: ir-rapport ta' valutazzjoni tal-assi jikkonċerna tranżazzjoni ta' ekwità oħra u jkopri perjodu ta' żmien differenti, sena qabel il-parteċipazzjoni tal-ekwità ta' Cinda. Matul dan il-perjodu Pirelli għaddiet minn eżerċizzju maġġuri ta' ristrutturar li bla dubju kellu impatt fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Barra minn hekk, kif ikkonfermat mis-CNRC, Cinda akkwistat 38 % tal-ishma f'Pirelli Industrial Srl., li issa tissejjaħ Prometeon Tyre Group S.r.l. (“PTG”). Peress li l-kapital ta' dik il-kumpanija kien jammonta għal EUR 100 miljun f'dak iż-żmien, il-valur nominali tal-ishma kien ta' EUR 38 miljun. Cinda ħallset EUR 266 miljun għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kapital. Meta jitqies li l-valur nett tal-assi tal-kumpanija kien ta' inqas minn nofs dan l-ammont dak iż-żmien u li bilkemm kienet qed tagħmel profitti, la l-evalwazzjoni bbażata fuq l-assi u lanqas l-evalwazzjoni bbażata fuq id-dħul ma tiġġustifika dan l-ammont għoli ta' parteċipazzjoni fil-kapital. Fin-nuqqas tat-test tal-investitur tas-suq, il-Kummissjoni kkonfermat il-pożizzjoni tagħha li l-investiment ta' Cinda ta benefiċċju ieħor lis-CNRC.

(e)    Speċifiċità

(376)

Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li s-sussidji mogħtija skont din il-miżura huma speċifiċi skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku. B'mod partikolari, l-industrija kimika u l-SRF huma speċifikament imsemmija fil-leġiżlazzjoni tal-GTĊ. Il-fatt li l-kopertura tal-industriji fil-leġiżlazzjoni hija wiesgħa, u li l-SRF jew Cinda jistgħu jinvestu f'industriji oħra ma jinvalidax dawn is-sejbiet. Wara d-divulgazzjoni finali, is-CNRC ikkontestat din is-sejba. Hija argumentat li l-finanzjament fl-Inizjattiva BR mhuwiex limitat espliċitament għal ċerti intrapriżi jew industriji. B'mod partikolari, hija enfasizzat li l-lista ta' oqsma ta' prijorità fl-Opinjonijiet ta' Gwida mhijiex eżawrjenti.

(377)

Il-Kummissjoni fakkret xi karatteristiċi tal-finanzjament preferenzjali Ċiniż. Minflok jopera programmi ta' finanzjament preskritti b'mod ċar bi kriterji stretti ta' eliġibbiltà, l-ogħla livell politiku jidentifika għadd ta' industriji inċentivati. L-atturi finanzjarji, bħall-banek tal-politika, l-SRF jew Cinda, jikkonformaw ma' dawn id-direzzjonijiet fil-prattika attwali tagħhom. F'dan l-isfond, il-Kummissjoni regolarment tikkumpensa sussidji għal industriji inċentivati bħal dawn peress li jistgħu jitqiesu bħala “ċerti intrapriżi” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku (64). F'dan il-każ, is-CNRC ma kkontestatx li l-industrija kimika hija parti minn industrija inċentivata bħal din. Il-fatt li l-lista tista' titkabbar għal industriji oħra ma jibdilx din il-konklużjoni.

(378)

Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessi (348) u (349) hawn fuq, il-leġiżlazzjoni hija speċifikament immirata lejn il-kumpaniji li jesportaw u tirreferi għall-“kisba tal-aċċess għas-swieq internazzjonali”. B'kunsiderazzjoni għall-kontinġenza tal-esportazzjoni tagħha (kif se jkun spjegat aktar fit-taqsima (f)) il-miżura għandha għalhekk titqies li hija speċifika skont l-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(f)    Kontinġenza tal-esportazzjoni

(379)

Il-Kummissjoni mbagħad analizzat jekk il-miżuri kinux fil-fatt jiddependu fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, għax kienu ngħataw speċifikament lil ċerti intrapriżi biex “joħorġu” miċ-Ċina. B'mod ġenerali, l-appoġġ jifforma parti mill-inizjattiva One Belt, One Road, li hija parti mill-Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani tal-MOFCOM.

(380)

L-opinjonijiet ta' Gwida tal-Kunsill tal-Istat dwar il-Promozzjoni tal-Kapaċità tal-Produzzjoni u l-Kooperazzjoni fil-Manifattura tat-Tagħmir Internazzjonali jsemmu speċifikament l-industriji li jridu jiġu kkunsidrati bħala parti minn din l-istrateġija, li fosthom l-industrija tal-kimika hija qasam ta' prijorità. L-akkwist tas-sehem fil-Pirelli Group minn Chemchina huwa msemmi speċifikament fit-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin bħala kisba kbira.

(381)

Il-miżura hija mmirata speċifikament lejn il-kumpaniji li jagħmlu investimenti 'l barra. Kif imsemmi fil-premessa (349) hawn fuq, l-għanijiet huma li ssir promozzjoni mill-esportazzjoni tal-prodotti għall-esportazzjoni tal-industriji u li “jiġu żviluppati u aċċessati b'mod attiv swieq f'pajjiżi żviluppati”. Għalhekk, il-kumpaniji Ċiniżi li joperaw biss fis-suq domestiku mhumiex eliġibbli biex jirċievu appoġġ finanzjarju bħal dan. Id-disinn kontinġenti fuq l-esportazzjoni tal-miżura huwa muri wkoll mill-fatt li l-oqsma li jridu jintgħażlu bħala prijorità għall-investiment 'il barra huma dawk li għandhom domanda tas-suq internazzjonali u dawk b'“vantaġġi eċċezzjonali fil-kompetizzjoni internazzjonali”, jiġifieri dawk fejn tista' tiġi promossa l-prestazzjoni tal-esportazzjoni Ċiniża. Il-Kapitolu III.3 tat-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani jkompli jispeċifika li l-appoġġ huwa mmirat lejn intrapriżi kummerċjali barranin.

(382)

Rigward l-akkwist tal-Pirelli Group, b'mod partikolari, l-SRF iddikjara dan li ġej fuq is-sit web tiegħu: “il-fond appoġġa lil ChemChina fl-akkwist tagħha ta' Pirelli, li għen lil ChemChina biex….effettivament tikseb aċċess għas-swieq internazzjonali.”, u “Il-fond appoġġa lil Chemchina biex din tidħol fl-ogħla parti tal-industrija tal-manifattura, u b'hekk tikseb vantaġġ kompetittiv fis-suq internazzjonali”.

(383)

Tabilħaqq, billi kisbet sehem ta' 65 % fil-Pirelli Group, fil-prattika s-CNRC żiedet l-esportazzjonijiet globali tagħha lejn l-UE b'29 % matul il-perjodu ta' investigazzjoni. CNRC qablet ukoll li tkompli żżid l-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE billi tintegra kompletament in-negozju tat-tajers tat-trakkijiet tal-UE ta' Pirelli fil-produttur esportatur Ċiniż Aeolus Tyre Co. Ltd. Għalhekk, l-għan fit-tul tal-akkwist appoġġjat kien li t-tajers tat-trakkijiet prodotti minn Aeolus jiġu mtejba bit-teknoloġija miksuba mingħand il-Pirelli Group, sabiex ikun hemm progress fil-livelli, u biex tinbeda l-esportazzjoni tat-tajers tat-trakkijiet ta' kwalità ogħla li huma aktar kompetittivi fis-suq tal-UE.

(384)

Wara l-perjodu ta' investigazzjoni, is-CNRC naqqset il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħha fil-Pirelli Group għal 46 %. Pirelli Tyre Co, Ltd waqqfet il-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, biex tiffoka fuq it-tajers tal-muturi u tal-karozzi, u b'hekk ikkompletat is-segregazzjoni tal-attivitajiet tal-Pirelli Group mill-prodott ikkonċernat. Madankollu, dawn l-avvenimenti ta' wara l-perjodu ta' investigazzjoni ma jnaqqsux il-fatt li qabel u matul il-perjodu ta' investigazzjoni, is-CNRC kienet irċeviet sussidji kumpensabbli. Fil-fatt, dawn l-iżviluppi jikkonfermaw li s-CNRC ipproċediet kif imwiegħed billi żiedet l-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-UE permezz tal-kumpaniji relatati tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni miġbura fir-rigward tal-Pirelli Group hija rappreżentattiva sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta' sussidju mogħti lill-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(385)

Bi tweġiba għad-Dokument ta' Informazzjoni, is-CNRC u Pirelli kkummentaw li s-sussidju mhuwiex kontinġenti fuq l-esportazzjoni, u kkwotaw il-ġurisprudenza mill-Korp tal-Appell fil-każ tal-Airbus, fejn il-kunċett ta' kontinġenza tal-esportazzjoni kien ġie interpretat f'sens dejjaq.

(386)

Il-Kummissjoni fakkret li l-kunċett ta' sussidji de facto kontinġenti fuq l-esportazzjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku, li jirrifletti l-Artikolu 3.1(a) u n-nota 4 f'qiegħ il-paġna tal-Ftehim SCM. Dan jinkludi s-sitwazzjoni fejn is-sussidju huwa “fil-fatt marbut ma'… esportazzjoni antiċipata”. Kontinġenza de facto għall-esportazzjoni hija evalwata fuq il-bażi tal-konfigurazzjoni totali tal-fatti li jirrigwardaw l-għotja tas-sussidju, inkluż id-disinn u l-operazzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni qablet mal-partijiet interessati li l-kunċett jenħtieġ li jiġi interpretat f'konformità mal-gwida tal-Korp tal-Appell.

(387)

F'Inġenji tal-Ajru Ċivili Kbar, il-Korp tal-Appell iddikjara li: “L-istandard għall-kontinġenza tal-esportazzjoni de facto skont l-Artikolu 3.1(a) u n-nota ta' qiegħ il-paġna 4 tal-Ftehim tas-SCM jintlaħaq meta s-sussidju jingħata sabiex jiġi pprovdut inċentiv lir-riċevitur biex jesporta b'mod li ma jkunx sempliċiment jirrifletti l-kundizzjonijiet tal-provvista u tad-domanda fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni mingħajr id-distorsjoni permezz tal-għoti tas-sussidju (65).” Fi kliem ieħor, “l-għoti tas-sussidju huwa mmirat biex iħeġġeġ il-promozzjoni tal-prestazzjoni futura tal-esportazzjoni mir-riċevitur (66)?” Dan jista' jinkludi s-sitwazzjoni li fiha r-riċevitur iwiegħed li jżid il-prestazzjoni tal-esportazzjoni (b'differenza minn dik domestika).

(388)

Meta ġew applikati l-fatti ta' dan il-każ fid-dawl tal-evidenza fil-fajl, il-Kummissjoni sabet li dan it-test ġie ssodisfat. B'kuntrast mal-każ ta' Airbus, fejn l-erba' awtoritajiet li taw l-għajnuna kienu qed jiffinanzjaw kumpanija Ewropea attiva kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f'dawk barranin u fejn it-tfassil tal-miżura ma kienx immirat lejn żieda fl-orjentazzjoni lejn l-esportazzjoni ta' Airbus, il-każ preżenti jinvolvi relazzjoni tridirezzjonali: Korpi pubbliċi Ċiniżi ffinanzjaw lis-CNRC li ma kellha l-ebda marġini kif tonfoq il-flus. Hija rċeviethom b'kundizzjoni legali preċiża biex tixtri kumpanija oħra, jiġifieri Pirelli. Meta aċċettat li tirċievi finanzjament marbut bħal dan, is-CNRC wegħdet li żżid il-prestazzjoni tagħha tal-esportazzjoni (b'differenza minn dik domestika) u żżid il-bejgħ tagħha b'mod partikolari fl-Ewropa.

(389)

L-ewwel nett, l-għoti tas-sussidju huwa marbut mal-esportazzjoni antiċipata, billi, fost l-oħrajn, id-disinn tal-miżura huwa mmirat lejn l-intrapriżi tal-kummerċ barrani. L-appoġġ kien disponibbli biss għas-CNRC biex l-attivitajiet tagħha jsiru aktar orjentati lejn l-esportazzjonijiet (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku tagħha) u dan l-appoġġ ma ngħatax lil kumpaniji Ċiniżi oħrajn li qed ibigħu esklussivament fis-suq domestiku Ċiniż. Dan huwa appoġġat mid-dokumenti uffiċjali tal-gvern li ġejjin:

(390)

It-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin isemmi speċifikament l-akkwist ta' Pirelli minn Chemchina bħala kisba ewlenija tat-12-il Pjan ta' Ħames Snin, fl-intestatura “kooperazzjoni internazzjonali”. Barra minn hekk, il-kapitolu 10 jsemmi fil-kuntest ta' proġetti ta' kooperazzjoni internazzjonali taħt l-inizjattiva “Belt and Road” li jenħtieġ li tiġi enfasizzata “l-espansjoni tal-kapaċità internazzjonali ta' kooperazzjoni fl-industrija tat-tajers u industriji oħra bi proporzjon għoli ta' esportazzjoni”.

(391)

L-akkwist ta' Pirelli ġie deskritt mill-MOFCOM bħala proġett ewlieni għall-iżvilupp tal-kummerċ barrani fl-2015. F'termini aktar ġenerali, wieħed mill-objettivi tat-13-il Pjan ta' Ħames Snin għall-Iżvilupp tal-Kummerċ Barrani (il-Kapitolu III.3) huwa t-titjib tal-kapaċità tal-operazzjoni tranżnazzjonali tal-intrapriżi kummerċjali barranin, li jinkoraġġixxi lil kumpaniji b'saħħithom biex jestendu l-ktajjen industrijali, iwettqu fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet tranżnazzjonali, u jiksbu ditti ta' kwalità, teknoloġiji ewlenin u kanali ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-Pjan isemmi wkoll li appoġġi sistematiċi se jiġu pprovduti għal intrapriżi tranżnazzjonali bi kreditu tajjeb, u b'hekk jiġi ffurmat grupp ta' intrapriżi kbar b'kapaċità ta' negozju tranżnazzjonali li għandhom netwerk tas-suq tad-distribuzzjoni globali.

(392)

Fl-Opinjonijiet ta' Gwida, il-Kunsill tal-Istat iddikjara li “l-vantaġġ industrijali u l-vantaġġ tal-finanzjament taċ-Ċina għandhom jiġu kkombinati mad-domanda barra mill-pajjiż […] sabiex tiġi promossa b'mod vigoruż il-kapaċità tal-produzzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni fil-manifattura tat-tagħmir”. Barra minn hekk, huma jistipulaw li “l-oqsma […] b'vantaġġi eċċezzjonali fil-kompetizzjoni internazzjonali u b'domanda tas-suq internazzjonali għandhom jintgħażlu bħala prijoritajiet”. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (349) hawn fuq, l-objettivi tal-Opinjonijiet Gwida huma “li attivament jiġu żviluppati” u “aċċessati” s-swieq fil-pajjiżi żviluppati.

(393)

L-SRF jopera biss b'fondi tal-kambju barrani (jiġifieri USD u EUR). Għall-kuntrarju tal-banek, li jipprovdu riżorsi kemm fl-RMB kif ukoll f'muniti aċċettati internazzjonalment, l-SRF jappoġġa proġetti b'munita barranija biss. Kif iddikjarat mill-president tal-SRF: “Is-Silk Road Fund” huwa fond ta' investiment barrani li jinvesti l-aktar fi flus barranin (67).

(394)

Konsegwentement, kumpanija li tbigħ biss fis-suq Ċiniż u li ma tesportax jew ma għandha l-ebda pjan ta' negozju ppruvat biex iżżid l-esportazzjonijiet tagħha ma tkunx eliġibbli biex tiġi appoġġata mill-SRF.

(395)

It-tieni, il-Kummissjoni analizzat iċ-ċirkustanzi konkreti li kienu jeżistu fiż-żmien meta l-awtoritajiet li taw l-għajnuna kienu qed jipprovdu s-sussidji sabiex jistabbilixxu li anki dan l-appoġġ speċifiku kien marbut mal-orjentament tal-bejgħ antiċipat tas-CNRC favur l-esportazzjonijiet (meta mqabbla mal-bejgħ domestiku tagħha). Hija sabet għadd ta' indikaturi li kkonfermaw il-konklużjoni li dan kien tabilħaqq il-każ:

(396)

Fil-ħames interventi kollha msemmija bħala “l-miżura”, l-awtorità awtorizzanti speċifikat li l-fondi ġew ipprovduti biex jinkiseb il-Pirelli Group. Fil-każ tal-intervent ta' Cinda, l-awtorità tal-għoti speċifikat saħansitra iktar minn hekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-fondi. Fil-fatt, kif imsemmi fir-rigward tal-intervent ta' Cinda, il-ftehim tad-detenturi tal-kwoti jinnota li Cinda tirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha f'Pirelli Industrial hija kontinġenti fuq pjan li jinjetta s-sehem kollu tagħha fil-produttur esportatur Ċiniż Aeolus qabel ċertu limitu ta' żmien.

(397)

L-SRF, bħala koinvestitur, kien kompletament konxju mill-pożizzjoni tas-suq tas-CNRC u antiċipa l-benefiċċji fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni li t-tranżazzjoni ġġib magħha. Il-President tal-Fond tas-Silk Road irrikonoxxa dan kif ġej: “Il-Fond appoġġa lil Chemchina fl-akkwiżizzjoni tagħha ta' Pirelli, li mhux biss għen lil Chemchina sabiex tintroduċi b'suċċess minn barra mill-pajjiż teknoloġiji avvanzati u għarfien maniġerjali għal manifattura ta' livell għoli, iżda wkoll biex tikseb b'mod effettiv aċċess għas-swieq internazzjonali (68).”

(398)

Għas-CNRC, il-benefiċċji ewlenin miksuba mill-akkwiżizzjoni ta' Pirelli ma kinux marbuta mas-suq domestiku. Fil-mument tal-akkwist, is-CNRC diġà kienet attur ewlieni għat-trakkijiet tat-tajers fis-suq domestiku Ċiniż, filwaqt li Pirelli kellha biss sehem tas-suq żgħir ħafna fl-istess suq (inqas minn 1 %). Barra minn hekk, il-Pirelli Group huwa attur globali, li għalih is-suq Ċiniż jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-bejgħ totali tal-prodotti kollha. Minbarra dan, il-bejgħ bl-esportazzjoni diġà kien jirrappreżenta madwar 60 % tal-bejgħ totali, kemm għas-CNRC kif ukoll għal Pirelli Tyre Co. Ltd.

(399)

Barra minn hekk, fost l-oħrajn fil-Pjan ta' Implimentazzjoni għat-Trasformazzjoni u t-Titjib tal-Industrija tat-Tajers tal-Provinċja ta' Shandong, ikkorroborat mir-risposti ta' teħid ta' kampjuni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, is-suq domestiku Ċiniż huwa suq iddominat mill-bejgħ fil-kategorija tal-Livell 3, filwaqt li t-tajers tal-Livell 1 huma aktar rappreżentati fis-swieq tal-UE u tal-Istati Uniti. B'hekk, iż-żieda ta' attur tal-livell 1 b'marka kummerċjali rikonoxxuta globalment bħal Pirelli fil-portafoll tal-prodotti tagħha ma żiedet l-ebda valur immedjat għas-CNRC fis-suq tal-bejgħ domestiku, iżda tejbet il-kompetittività tagħha fis-suq tal-esportazzjoni, peress li issa setgħet tesporta l-firxa sħiħa ta' prodotti minbarra l-firxa tas-soltu tal-prodotti tal-livell 3.

(400)

Barra minn hekk, is-suq Ċiniż huwa diġà kkaratterizzat minn ċerta kapaċità żejda, u s-CNRC stess kellha ammont sinifikanti ta' kapaċità mhux użata. Skont ir-rapport tal-analiżi tas-suq imwettaq f'isem is-CNRC qabel l-investiment, u li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni dwar l-investiment, id-ditta CNRC kienet għalhekk qed “tfittex opportunitajiet biex taħrab mill-kompetizzjoni attwali “Red Ocean” u kompliet tfittex espansjoni ulterjuri biex timmasimizza s-saħħa tagħha (69)”. Ir-rapport qal ukoll li l-benefiċċji ewlenin għas-CNRC ikunu li jitjieb in-negozju internazzjonali tagħha billi tingranaġġa n-netwerk tal-bejgħ globali ta' Pirelli. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li qabel l-akkwiżizzjoni, is-CNRC ma kellhiex il-mezzi ta' bejgħ diretti tagħha fl-UE, iżda kienet qed tbigħ permezz ta' negozjanti indipendenti.

(401)

Dan jintwera wkoll permezz ta' intervista mal-maniġer tal-operazzjonijiet globali ta' Pirelli wara l-akkwiżizzjoni (70), li qalet li bis-saħħa tal-akkwist, il-grupp il-ġdid issa jista' jidħol fl-Awstralja b'tajers f'segmenti ta' prezzijiet differenti, u li l-kumpanija kellha l-intenzjoni li żżid l-esportazzjonijiet tagħha, u b'hekk iżżid is-sehem tagħha fis-suq fl-Awstralja minn 1 % għal 10 % billi tbigħ it-tajers fis-suq kollu tat-tajers.

(402)

Ir-rapport ta' qabel l-investiment enfasizza wkoll li s-CNRC setgħet timmobilizza r-riżorsi ta' R&Ż ta' Pirelli biex ittejjeb il-linji ta' prodotti tagħha stess, biex tissodisfa aħjar id-domanda tas-suq internazzjonali. Wara l-akkwiżizzjoni, tabilħaqq ingħatat liċenzja lil wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-grupp sabiex juża l-għarfien ta' Pirelli fil-proċess ta' produzzjoni tiegħu.

(403)

Fid-dawl tal-evidenza ta' hawn fuq dwar il-profil ta' Pirelli li kien magħruf fiż-żmien tal-għotja u dwar il-vantaġġi sinifikanti li l-akkwist iġib għall-prestazzjoni tal-esportazzjoni tas-CNCD, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-awtorità awtorizzanti antiċipat u ġiet imwiegħda mis-CNRC biex tikseb is-sussidju li l-bejgħ tal-esportazzjonijiet tas-CNRC kien se jiżdied (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku tagħha). B'hekk, hemm relazzjoni ta' kundizzjonalità jew dipendenza bejn is-sussidju u l-esportazzjonijiet antiċipati tas-CNRC.

(404)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat x'kien l-effett reali tal-akkwist ta' Pirelli fuq l-istruttura tal-bejgħ tas-CNRC. Tabilħaqq, kif imsemmi fil-premessa (345), is-CNRC qablet li tintegra għalkollox in-negozju tat-tajers tat-trakkijiet tal-UE mal-produttur esportatur relatat tagħha Aeolus Tyre Co. Ltd. sabiex tibda l-esportazzjoni tat-tajers tat-trakkijiet ta' kwalità ogħla li huma aktar kompetittivi fis-suq tal-UE. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qabblet l-istruttura tal-bejgħ tal-grupp CNRC qabel u wara l-akkwiżizzjoni: il-bejgħ ġenerali ma żdiedx biss bis-saħħa taż-żieda ta' Pirelli, iżda l-Kummissjoni sabet ukoll li l-bejgħ tal-esportazzjoni żdied aktar mill-bejgħ domestiku bis-saħħa tal-akkwiżizzjoni, jiġifieri l-bejgħ tas-CNRC kien żbilanċjat lejn l-esportazzjonijiet (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku tagħha). B'mod aktar speċifiku, il-bejgħ tal-esportazzjoni tat-tajers tat-trakkijiet żdied b'55 % lejn l-Ewropa, b'5 % lejn swieq oħra u b'14 % kumplessivament matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Barra minn hekk, il-grupp issa kien qed juża netwerk ta' bejgħ dirett fis-swieq ewlenin kollha tal-UE, filwaqt li qabel ma setax ibigħ indirettament permezz ta' negozjanti indipendenti. Fl-aħħar nett, il-firxa ta' prodotti tat-tajers mibjugħa fis-suq tal-UE ġiet estiża minn tajers tal-Livell 3 għal dawk tal-Livell 1 kif ukoll dawk tal-Livell 3. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-CNRC fil-fatt issodisfat il-kundizzjonijiet marbuta mal-għoti tas-sussidju, jiġifieri l-wegħda tas-CNRC li żżid il-bejgħ tagħha lejn l-esportazzjonijiet (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku).

(405)

Konsegwentement, l-għoti tas-sussidju lis-CNRC għax-xiri ta' Pirelli kien immirat biex jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-prestazzjoni futura mwiegħda tal-esportazzjoni (meta mqabbla ma' dik domestika) mir-riċevitur, is-CNCR. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sostniet li s-sussidji mogħtija skont din il-miżura huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(406)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CNRC, Pirelli u l-GTĊ ikkontestaw in-natura kontinġenti fuq l-esportazzjoni tal-miżura. Huma argumentaw li l-awtorità tal-għoti ma kinitx rabtet l-għoti tas-sussidju ma' prestazzjoni tal-esportazzjoni mtejba tas-CNRC. Is-CNRC issottomettiet li l-Opinjonijiet ta' Gwida ma jeskludux lill-kumpaniji Ċiniżi li joperaw biss fis-suq domestiku minn aċċess għal kooperazzjoni akbar fl-investiment taħt l-inizjattiva BR. Barra minn hekk, ma kienx hemm kontinġenza fuq l-esportazzjoni, iżda fuq il-ħolqien tal-valur li inzerta rriżulta mill-investiment 'il barra. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddependi biss fuq l-effetti attwali tas-sussidju allegat, iżda jenħtieġi li tagħmel analiżi xierqa ex ante. Il-GTĊ argumenta wkoll li relazzjoni ta' kawża u effett ma tkunx biżżejjed biex tafferma kontinġenza fuq l-esportazzjoni. Huwa żied li l-miżuri jew is-sussidji tal-gvern li jgħinu tranżazzjonijiet ta' investiment barrani, bħall-akkwist ta' ishma f'intrapriżi ta' pajjiżi terzi, ma jidhrux fl-Anness I tal-Ftehim SCM u għalhekk ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala sussidji tal-esportazzjoni.

(407)

Il-Kummissjoni nnutat li l-Anness I tal-SCM fih “Lista Illustrativa” ta' miżuri li jistgħu jikkwalifikaw bħala sussidji fuq l-esportazzjoni. Il-lista tagħti eżempji u mhijiex eżawrjenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 3.1 (a) tal-Ftehim SCM jirreferi għal sussidji għall-esportazzjoni, “inklużi dawk murija fl-Anness I”. Minn dan isegwi li miżuri mhux elenkati jistgħu jikkwalifikaw bħala kontinġenti fuq l-esportazzjoni meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dik id-dispożizzjoni. F'konformità mal-gwida tal-Korp tal-Appell fil-każ ta' Airbus (71), il-Kummissjoni analizzat jekk l-awtorità awtorizzanti pprovdietx is-sussidju bil-kundizzjoni li r-riċevitur iżid l-esportazzjonijiet (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku tiegħu). F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset (i) id-disinn u l-istruttura tal-miżura; (ii) il-modalitajiet tal-operat stabbiliti fil-miżura; u (iii) iċ-ċirkostanzi fattwali rilevanti madwar l-għoti tas-sussidju li jipprovdu l-kuntest għall-fehim tad-disinn, l-istruttura u l-modalitajiet tal-operazzjoni tal-miżura.

(408)

Fir-rigward tad-disinn u l-istruttura tal-miżura, il-Kummissjoni fakkret li l-kumpaniji b'attivitajiet domestiċi biss mhumiex eliġibbli għall-finanzjament skont dan il-programm. Il-fatt li l-Opinjonijiet ta' Gwida ma jeskludux formalment lill-kumpaniji Ċiniżi li joperaw biss fis-suq domestiku minn finanzjament tal-SRF, jista' jkun rilevanti biss għal analiżi ta' kontinġenza de jure. Madankollu, dak li qed jiġi investigat huwa kontinġenza de facto. Tabilħaqq, minn mindu nħoloq f'Diċembru 2014, is-Silk Road Fund jappoġġa biss proġetti barranin u kumpaniji li qed jesportaw. Huma jirċievu injezzjonijiet finanzjarji li jiddependu fuq l-orjentament tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni attwali tagħhom lejn aktar bejgħ tal-esportazzjoni (meta mqabbel ma' bejgħ domestiku). B'hekk, il-kumpaniji li aċċettaw il-finanzjament isiru konxji li l-appoġġ jingħata bil-kundizzjoni li l-bejgħ antiċipat jiġi riorjentat lejn l-esportazzjonijiet.

(409)

Din ir-rabta legali hija karatteristika kostanti fil-proġetti kollha tas-Silk Road Funds. Rieżami tal-aħħar operazzjonijiet tikkonferma li r-riċevituri kienu attivi fis-swieq tal-esportazzjoni u li l-appoġġ finanzjarju riċevut skont is-Silk Road Fund kien ikkundizzjonat fuq it-titjib tal-prestazzjoni tal-esportazzjoni tagħhom (meta mqabbla ma' dik tal-bejgħ domestiku). Pereżempju, l-investiment tal-SRF fil-kostruzzjoni tal-akbar impjant elettriku solari f'Dubai ppermetta lill-SOE Ċiniża Shanghai Electric Group biex tiffirma kuntratt tal-EPC (Engineering, Procurement, Construction) (Inġinerija, Akkwist, Kostruzzjoni) ta' 700 MW fl-2018 biex tibni l-impjant tal-elettriku u biex tipprovdi t-tagħmir tal-enerġija elettrika. Skont l-istqarrija għall-istampa għall-iffirmar ta' dan il-kuntratt, “Dan il-proġett huwa proġett ewlieni fl-appoġġ tat-tliet fornituri ewlenin tat-tagħmir tal-enerġija elettrika Ċiniżi, jiġifieri Shanghai Electric, Dongfang Electric u Harbin Electric, biex ‘joħorġu barra mill-pajjiż’ u jistabbilixxu ruħhom fis-suq tal-elettriku sofistikat u stabbilit (72)”. Il-President tax-Shanghai Electric Group iddikjara wkoll li bis-saħħa tal-proġett ta' Dubaj, il-kumpanija qed timmira “li tibni lil Shanghai Electric f'marka Ċiniża magħrufa mad-dinja kollha”, u żiedet li “il-proġett CSP f'Dubai wera progress kbir fl-operat tan-negozju u l-manifattura ta' tagħmir tal-grupp fl-isfond akbar tal-inizjattiva Belt & Road taċ-Ċina (73)”. Seħħ arranġament simili għall-ewwel proġett li fih l-SRF investa fl-2015, il-proġett tal-idroenerġija Karot fil-Pakistan, fejn il-kostruzzjoni u l-provvista tat-tagħmir għall-impjant tal-idroenerġija kienu fdati lill-SOE Ċiniża China Three Gorges Corporation (“CTG”). Il-proġett kien ukoll marbut b'mod ċar mill-kumpanija mal-inizjattiva “Belt & Road” u mal-prestazzjoni tal-esportazzjoni kif ġej: “Permezz tal-inizjattiva “One Belt, One Road”, CTG hija ddeterminata li tespandi n-negozju tal-enerġija l-ġdid tagħha globalment wara li ffurmat erba' linji ta' negozju internazzjonali, jiġifieri l-investiment, il-kostruzzjoni, l-operat u l-konsulenza (74)”.

(410)

F'dan il-każ, l-awtorità li tat l-għajnuna stipulat b'mod ċar fl-avviżi tal-għotjiet, fil-ftehim tas-self, kif ukoll fil-ftehim tal-investiment bejn l-SRF u s-CNRC, li l-fondi kienu rċevuti kundizzjonalment fuq l-akkwist ta' Pirelli. Biż-żieda tad-ditta Taljana tal-ogħla livell Pirelli mal-profil tas-CNRC, l-SRF mhux biss ingrana lill-investitur industrijali biex joħloq il-valur, kif iddikjarat mis-CNRC fil-kummenti tiegħu fid-divulgazzjoni finali. L-awtorità li tat l-għajnuna żgurat ukoll bejgħ tal-esportazzjoni aktar b'saħħtu tas-CNRC b'mod partikolari lejn l-Ewropa. B'hekk, mhux biss kienet prevista żieda antiċipata tal-bejgħ tal-esportazzjoni tas-CNNC b'mod partikolari lejn l-Ewropa, iżda wkoll iċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ u l-evidenza disponibbli juru li s-CNRC wiegħed li jirriorjenta l-bejgħ tiegħu lejn il-bejgħ għall-esportazzjoni (meta mqabbel mal-bejgħ domestiku) vis à vis l-awtorità li tat l-għajnuna meta kisbet is-sussidju.

(411)

Meta wieħed iħares lejn il-modalitajiet tal-operazzjonijiet stabbiliti fil-miżura, il-Kummissjoni osservat li l-SRF jopera biss b'fondi tal-kambju barrani (jiġifieri USD u EUR). Għall-kuntrarju tal-banek, li jipprovdu riżorsi kemm fl-RMB kif ukoll f'muniti aċċettati internazzjonalment, l-SRF tappoġġa proġetti b'munita barranija biss. Kif iddikjarat mill-president tal-SRF: “Is-Silk Road Fund” huwa fond ta' investiment barrani li jinvesti l-aktar fi flus barranin (75). Fid-dawl tar-restrizzjonijiet fuq l-użu ta' fondi f'muniti barranin fiċ-Ċina, kien għalhekk ċar meta ġew ipprovduti l-fondi li l-awtorità li tat l-għajnuna kienet qed tillimita lill-kumpanija sabiex tuża dawn il-fondi biex tiżviluppa u ttejjeb in-negozju tagħha marbut mal-esportazzjoni (jiġifieri għall-kuntrarju li sempliċiment takkwista kumpaniji domestiċi u/jew tiffoka fuq il-bejgħ domestiku).

(412)

Din il-modalità hija wkoll karatteristika kostanti fi proġetti oħra ffinanzjati mis-Silk Funds, li kienu jinvolvu investimenti f'muniti barranin f'pajjiżi bħal Dubai, ir-Russja, il-Pakistan jew il-Ġermanja.

(413)

Rigward iċ-ċirkostanzi fattwali li jiċċirkondaw l-għoti tas-sussidju, il-Kummissjoni ħarset ukoll lejn id-dettalji tal-integrazzjoni ta' Pirelli fl-istruttura tas-CNRC.

(414)

Kif imsemmi fil-premessa (383) hawn fuq, l-għan tal-intervent ta' Cinda kien li jiffaċilita r-ristrutturar u l-integrazzjoni tan-negozju tat-tajers tat-trakkijiet Pirelli fil-produttur esportatur Ċiniż Aeolus. Skont il-ftehim tad-detenturi ta' kwoti bejn Cinda u s-CNRC, Cinda għamlet il-parteċipazzjoni ta' ekwità tagħha f'Pirelli Industrial kontinġenti fuq pjan biex l-ishma kollha tagħha jiġu injettati f'Aeolus qabel ċertu limitu ta' żmien. Jekk din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfata, jiskatta proċess ta' rkant li jibda jbigħ l-ishma ta' Cinda u b'hekk itemm l-għoti tal-fondi. Il-Ftehim ewlieni bejn is-CNRC u Aeolus jistipula li l-għan ta' din l-injezzjoni ta' ekwità huwa li toħloq “bini ta' kumpanija internazzjonali kbira li tiffoka fuq in-negozju tat-tajers industrijali, ibbażata fiċ-Ċina, elenkata fiċ-Ċina, u b'impronta dinjija”. Dan kien ukoll notifikat pubblikament bħala tali permezz ta' Aeolus fil-Borża ta' Shangai. Minn dan isegwi li l-awtorità awtorizzanti għamlet kundizzjoni legali dwar il-mod li bih is-CNRC jenħtieġ li tirristruttura, li orjentatha aktar lejn prestazzjoni fil-qasam tal-esportazzjoni.

(415)

Finalment, il-Kummissjoni ma implikatx mis-sempliċi effetti attwali tas-sussidju li kien hemm kontinġenza fiż-żmien tal-għoti tagħha, kif allegat mis-CNRC. Minflok, hija analizzat il-fatti relatati mat-tranżazzjoni minn perspettiva ex ante. Meta aċċetta l-miżura tas-sussidju, ir-riċevitur approva għal kollox ir-rabtiet legali marbuta magħha. Fil-prospett tal-bonds għal noti ta' żmien medju li nħareġ ftit wara l-akkwiżizzjoni, Chemchina (il-kumpanija prinċipali tas-CNRC) fformulat il-wegħda tagħha li teżegwixxi l-kundizzjonijiet marbuta mas-sussidji involuti kif ġej: “Mit-twaqqif tagħha, il-kumpanija wieġbet bis-sħiħ għall-istrateġija “li toħroġ mill-pajjiż” ippreżentata mill-gvern ċentrali biex isir użu sħiħ mir-riżorsi internazzjonali. Sabiex tibni grupp ta' intrapriżi internazzjonalment kompetittiv f'dawn l-aħħar snin, hija temmet xi proġetti barranin ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet u ħolqot grupp ta' intrapriżi kompetittivi internazzjonalment”. F'dan il-kuntest, ix-xiri ta' Pirelli huwa kkwotat bħala waħda mill-kisbiet prinċipali tagħha f'dan il-kuntest, li jenfasizza n-netwerk tal-kummerċjalizzazzjoni u l-mezzi ta' bejgħ globali tal-kumpanija. B' segwitu għal din il-wegħda, is-CNRC żbilanċjat il-proporzjon tal-bejgħ tal-esportazzjoni tagħha lejn l-UE meta mqabbel mal-bejgħ totali minn 9 % (fl-2015) għal 12 % (fil-perjodu ta' investigazzjoni) meta mqabbel mal-bejgħ domestiku tagħha li żdied biss b' 10 %. Mingħajr l-appoġġ inkwistjoni, is-CNRC kienet tkompli tbigħ tajers tal-Livell 3 fiċ-Ċina bħala mexxejja tas-suq fil-kuntest taż-żieda fil-konsum domestiku.

(416)

Il-Kummissjoni għalhekk żammet il-pożizzjoni tagħha li d-disinn u l-istruttura, il-modalitajiet tal-operat u ċ-ċirkostanzi fattwali li jiċċirkondaw il-miżura, kollha jsostnu s-sejbiet tagħha li s-sussidju (jiġifieri l-ħames interventi minn korpi pubbliċi riċevuti għax-xiri ta' Pirelli) kien jiddependi de facto fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tar-riċevitur.

(g)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(417)

Il-benefiċċju fuq is-self preferenzjali pprovdut mis-CDB, l-EXIM u s-CCB ġie kkalkulat skont il-metodoloġija tal-kalkolu stabbilita fit-taqsima 3.4.4. Madankollu, ma kienx inkluż fl-ammonti ta' sussidju kkalkulati għas-self preferenzjali skont it-Taqsima 3.4, iżda kien miżjud mal-ammont tas-sussidju stabbilit hawn taħt fil-premessa (421).

(418)

Il-benefiċċju tal-għotjiet u l-parteċipazzjonijiet tal-ekwità ġie kkalkulat bħala l-ammont allokat għall-perjodu tal-investigazzjoni, ibbażat fuq amortizzament tal-investiment fuq seba' snin, peress li dan kien it-terminu tas-self fit-tul meħud mis-CNRC biex jiffinanzja l-investiment, u jikkorrispondi wkoll mal-orizzont medju tal-investiment ta' minn seba' sa 10 snin ippreżentat mill-SRF fuq is-sit web tiegħu.

(419)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, is-CNRC u Pirelli kkontestaw l-ammont tal-benefiċċju kkalkulat mill-Kummissjoni, u ssottomettew dokumentazzjoni ulterjuri li turi li l-ammont tal-parteċipazzjoni tal-ekwità mill-SRF kien ġie vvalutat b'mod skorrett mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata mis-CNRC, il-Kummissjoni qablet li l-investiment ta' ekwità attwali tal-SRF kien inqas minn dak li kien instab fil-bidu. Il-kalkoli ġew adattati skont dan.

(420)

Is-CNRC talbet ukoll lill-Kummissjoni biex tuża l-fatturat konsolidat minflok il-fatturat tal-esportazzjoni tas-CNRC bħala denominatur għall-kalkolu tal-benefiċċju. Madankollu, peress li l-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha rigward in-natura kontinġenti fuq l-esportazzjoni tas-sussidju, din it-talba ġiet miċħuda.

(421)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' din l-iskema matul il-perjodu ta' investigazzjoni jammonta għal 18.99 % għaċ-China National Tire Group.

(422)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-GTĊ ssottometta li ma hemm ebda rekord fil-fajl tal-każ li jindika li xi esportatur Ċiniż ieħor ibbenefika minn dawn il-programmi, jew saħansitra kien involut f'xi akkwist ta' produtturi tat-tajers barranin. Għalhekk, meta jiġu kkalkulati l-ammonti ta' sussidju għal produtturi esportaturi Ċiniżi oħra mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw, l-ammont tas-sussidju stabbilit fir-rigward ta' dawn il-programmi u relatat ma' dan l-esportatur speċifiku jenħtieġ li ma jiġix applikat għal esportaturi oħra mhux fil-kampjun. Il-Kummissjoni fakkret li l-kampjun huwa maħsub biex ikun rappreżentattiv tas-sitwazzjoni tal-kumpaniji kollha li kkooperaw fiċ-Ċina. Għalhekk, l-estrapolazzjoni tar-riżultati misjuba fil-kampjun hija meqjusa xierqa fil-każ preżenti. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu reviżjonijiet imħaffa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Kummissjoni rrifjutat din il-pretensjoni.

3.8.   Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni

(423)

L-ilmentatur allega li Sinosure pprovdiet assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni b'termini preferenzjali lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat.

(a)    Bażi legali

(424)

Notifika dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Promozzjoni tal-Kummerċ permezz tax-Xjenza u t-Teknoloġija bl-Użu tal-Assigurazzjoni ta' Kreditu għall-Esportazzjoni (Shang Ji Fa [2004] Nru 368) maħruġa b'mod konġunt minn MOFCOM u Sinosure;

(425)

Avviż dwar il-Ħruġ tal-Katalogu tal-Esportazzjoni tal-2006 ta' Prodotti tat-Teknoloġija Avvanzata taċ-Ċina, Guo Ke Fa Ji Zi [2006] Nru 16

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(426)

Tlieta minn erba' gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun kellhom ftehimiet tal-assigurazzjoni tal-esportazzjoni pendenti ma' Sinosure matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(427)

Matul iż-żjara ta' verifika għand il-GTĊ, Sinosure ikkonfermat li hija kompletament proprjetà tal-Istat, u li għandha madwar 90 % tas-suq domestiku għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni. Madankollu, kif imsemmi fil-premessi (142) sa (148) hawn fuq, Sinosure naqset milli tipprovdi d-dokumentazzjoni ta' sostenn mitluba fir-rigward tal-governanza korporattiva tagħha, bħar-Rapport Annwali tagħha jew l-Istatut ta' Assoċjazzjoni tagħha.

(428)

Barra minn hekk, Sinosure ma pprovdietx informazzjoni aktar speċifika dwar l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni pprovduta lill-industrija tat-tajers, il-livell tal-primjums tagħha jew ċifri dettaljati relatati mal-profittabbiltà tan-negozju tal-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tikkumplimenta l-informazzjoni mogħtija mill-fatti disponibbli.

(429)

Skont it-tweġiba ta' Sinosure għall-ittra ta' defiċenza, Sinosure hija kumpanija tal-assigurazzjoni tal-politika tal-Istat stabbilita u appoġġata mill-Istat biex tappoġġa l-iżvilupp u l-kooperazzjoni ekonomiċi u kummerċjali barranin tar-RPĊ. Il-kumpanija hija 100 % proprjetà tal-Istat. Hija għandha bord tad-diretturi u bord tas-superviżuri. Il-Gvern għandu s-setgħa li jaħtar u jkeċċi lill-maniġers superjuri tal-kumpanija. Abbażi tat-tweġiba għall-ittra ta' defiċjenza, kif ukoll tal-informazzjoni pprovduta matul iż-żjara ta' verifika, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm indizji formali ta' kontroll tal-gvern fir-rigward ta' Sinosure.

(430)

Minbarra dan, il-Kummissjoni fittxet informazzjoni dwar jekk il-GTĊ eżerċitax kontroll sinifikanti fuq il-kondotta ta' Sinosure fir-rigward tal-industrija tat-tajers. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni nnutat li l-Katalgu tal-Esportazzjoni tal-Prodotti tat-Teknoloġija Avvanzata taċ-Ċina jelenka speċifikament “tajers radjali ġodda pnewmatiċi tat-tip użat fuq karozzi tal-linja jew trakkijiet (tal-lastiku, b'sezzjoni trażversali ta' ≥ 24 pulzieri” bħala prodotti li l-esportazzjoni tagħhom hija inċentivata.

(431)

Barra minn hekk, skont l-Avviż dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Promozzjoni tal-Kummerċ permezz tax-Xjenza u t-Teknoloġija bl-Użu tal-Assigurazzjoni tal-Kreditu għall-Esportazzjoni, Sinosure jenħtieġ li żżid l-appoġġ tagħha għall-industriji u l-prodotti ewlenin fuq il-bażi tat-tisħiħ tal-appoġġ globali tagħha għall-esportazzjoni ta' prodotti ta' teknoloġija għolja. Jenħtieġ li tittratta l-prodotti elenkati fil-Katalogu tal-Esportazzjoni ta' Prodotti ta' Teknoloġija Avvanzata taċ-Ċina, bħat-tajers radjali msemmija fil-premessa (429) hawn fuq, bħala l-fokus tan-negozju tagħha u tipprovdi appoġġ komprensiv f'termini ta' proċeduri ta' sottoskrizzjoni, approvazzjoni b'limiti, veloċità tal-approvazzjoni tal-pretensjonijiet u flessibbiltà tar-rati. Fir-rigward tal-flessibbiltà tar-rati, hija jenħtieġ li tagħti lill-prodotti elenkati fil-Katalgu l-iskont massimu tar-rata tal-primjum fil-medda varjabbli pprovduta mill-kumpanija tal-assigurazzjoni tal-kreditu.

(432)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-GTĊ ħoloq qafas normattiv li kellu jiġi rispettat mill-maniġers u mis-superviżuri maħtura mill-GTĊ u li huma responsabbli lejn il-GTĊ. Għalhekk, il-GTĊ ibbaża fuq il-qafas normattiv sabiex jeżerċita kontroll b'mod sinifikanti fuq il-kondotta ta' Sinosure.

(433)

Il-Kummissjoni fittxet ukoll evidenza konkreta tal-eżerċizzju ta' kontroll b'mod sinifikanti fuq il-bażi ta' ftehimiet ta' assigurazzjoni konkreti. Matul iż-żjara ta' verifika, Sinosure sostniet li fil-prattika l-primjums tagħha kienu orjentati lejn is-suq u bbażati fuq il-prinċipji tal-valutazzjoni tar-riskju. Madankollu, ma ġew ipprovduti l-ebda eżempji speċifiċi fir-rigward tal-industrija tat-tajers jew tal-kumpaniji fil-kampjun.

(434)

Fin-nuqqas ta' evidenza konkreta, il-Kummissjoni għalhekk eżaminat l-imġiba konkreta ta' Sinosure fir-rigward tal-assigurazzjoni pprovduta lill-kumpaniji fil-kampjun. Din l-imġiba kkuntrastat mal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom, peress li ma kinux qed jaġixxu abbażi tal-prinċipji tas-suq.

(435)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li r-Rapport Annwali ta' Sinosure għas-sena 2014 (76) jiddikjara li l-klejms imħallsa lil industriji ta' importanza ewlenija b'kuntratti ta' assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni għal perjodu ta' żmien qasir laħqu l-USD 590 miljun fl-2014, u dawn kienu jirrappreżentaw 72,3 % tal-pretensjonijiet totali. Wara li qabblet il-pretensjonijiet totali mħallsa mal-ammonti totali assigurati, il-Kummissjoni kkonkludiet li bħala medja, Sinosure kien jenħtiġilha li żżomm 0,23 % tal-ammont assigurat bħala primjum biex tkopri l-kost tal-pretensjonijiet (mingħajr biss ma tqis l-ispejjeż ġenerali). Madankollu, fil-prattika, il-primjums imħallsa mill-kumpaniji fil-kampjun kienu ħafna iktar baxxi mit-tariffa minima meħtieġa biex jiġu koperti l-ispejjeż operazzjonali.

(436)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li bosta mill-produtturi esportaturi bbenefikaw minn rifużjoni parzjali jew totali tal-primjums tal-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni mħallsa lil Sinosure.

(437)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-qafas legali stabbilit hawn fuq qed jiġi implimentat minn Sinosure fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet governattivi fir-rigward tas-settur tat-tajers, u b'hekk hija qed taġixxi bħala korp pubbliku fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku u skont il-ġurisprudenza rilevanti tad-WTO. Barra minn hekk, ingħata benefiċċju lill-produtturi esportaturi fil-kampjun, billi l-assigurazzjoni ġiet ipprovduta b'rati taħt it-tariffa minima meħtieġa biex Sinosure tkopri l-ispejjeż operazzjonali tagħha.

(438)

Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li s-sussidji mogħtija skont il-programm ta' assigurazzjoni għall-esportazzjoni huma speċifiċi, għax ma setgħux jinkisbu mingħajr l-esportazzjoni u għalhekk huma kontinġenti fuq l-esportazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(439)

Peress li Sinosure tirrappreżenta madwar 90 % tas-suq domestiku għall-assigurazzjoni tal-esportazzjoni fir-RPĊ, il-Kummissjoni ma setgħetx issib primjum tal-assigurazzjoni domestiku bbażat fuq is-suq. F'konformità ma' investigazzjonijiet preċedenti kontra s-sussidji, il-Kummissjoni għalhekk użat l-aktar punt ta' riferiment estern xieraq, li għalih kien hemm informazzjoni faċilment disponibbli, jiġifieri r-rati tal-primjum applikati mill-Export-Import Bank (“Ex-Im Bank”) tal-Istati Uniti tal-Amerika għal istituzzjonijiet mhux finanzjarji għal esportazzjonijiet lejn pajjiżi tal-OECD.

(440)

Ir-rifużjonijiet ta' primjums tal-assigurazzjoni fuq l-esportazzjoni li ngħataw matul il-perjodu ta' investigazzjoni ġew ittrattati bħala għotja. Minħabba li ma kien hemm l-ebda evidenza ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-kumpaniji li għalihom ikun meħtieġ aġġustament, il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala l-ammont sħiħ tar-rifużjoni riċevut matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(441)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' din l-iskema matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun jammonta għal:

Finanzjament u assigurazzjoni preferenzjali: assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni

Kumpanija/Grupp

Rata tas-Sussidju

China National Tire Group

0,18 %

Hankook Group

0,06 %

Xingyuan Group

0,17 %

3.9.   Il-provvista ta' prodotti mill-gvern b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata

3.9.1.   Forniment ta' inputs b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata rimarka ġenerali

(442)

Kif imsemmi fit-taqsima 3.2 hawn fuq, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li, minħabba n-nuqqas ta' tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-lastiku naturali u tal-lastiku sintetiku, jista' jkun li jkollha tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku sa fejn kienet ikkonċernata l-informazzjoni relatata mal-fornituri tal-materja prima msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni investigat jekk il-kumpaniji fil-kampjun irċevewx materja prima għall-produzzjoni ta' tajers bi prezzijiet sussidjati mingħand il-GTĊ.

3.9.2.   Il-forniment ta' korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata

(443)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun xtraw lokalment jew mingħand kumpaniji relatati jew mhux relatati, iżda importaw ukoll kwantitajiet żgħar ta' korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon.

(444)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet li l-Istat kien qed jeżerċita ċerta influwenza fuq is-suq domestiku għall-korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon. L-ewwel nett, skont l-informazzjoni li waslet mingħand il-GTĊ, l-SOEs kienu jirrappreżentaw rispettivament 26,44 % u 8,46 % tal-produzzjoni domestika tal-korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon.

(445)

It-tieni, il-qafas leġiżlattiv ġenerali jindika li l-korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon hija parti mis-setturi inċentivati, li għalihom jeżistu miżuri ta' appoġġ. Pereżempju, kif imsemmi fil-premessa (121) hawn fuq, it-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin, li jinkludi l-iswed tal-karbonju, jistabbilixxi rabta ma' diversi miżuri ta' appoġġ fiskali u finanzjarji.

(446)

Barra minn hekk, il-Politika tal-Industrija tat-Tajers tinkoraġġixxi, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta' “drapp tal-korda tal-polijester b'assorbiment baxx ta' modulu għoli ta' assorbiment, u fibra tan-najlon ta' saħħa kbira”, u “l-iżvilupp ta' addittivi tal-lastiku li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u ta' materja prima oħra bħall-iswed tal-karbonju speċjali u l-iswed tal-karbonju abjad” (77).

(447)

Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-aħħar Oqsma ta' Żvilupp tal-Ogħla Prijorità fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata (78) jagħtu prijorità lill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-produzzjoni u tal-materja prima ewlenija għat-tajers radjali, inklużi materjali tal-iswed tal-karbonju u ta' qafas tal-fibra.

(448)

Għalkemm l-investigazzjoni għalhekk sabet li l-provvista tal-korda tal-karbonju iswed u tan-najlon fis-suq domestiku hija sa ċertu punt influwenzata mill-Istat għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (444) sa (447) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma setgħetx issib biżżejjed evidenza ta' sussidjar ta' xiri ta' korda tal-iswed tal-karbonju u tan-najlon mill-produtturi esportaturi fil-kampjun matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

3.9.3.   Forniment ta' lastiku naturali b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata

(449)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun importaw lastiku naturali f'volumi sinifikanti. Ix-xiri domestiku tal-lastiku naturali kien negliġibbli, ħlief għal waħda mill-kumpaniji fil-kampjun, li xtrat ammonti sinifikanti ta' lastiku naturali fis-suq domestiku permezz ta' kumpaniji mhux relatati. Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi ta' informazzjoni vverifikata li tikkonċerna tranżazzjonijiet individwali mill-kumpaniji kollha fil-kampjun li l-prezzijiet tax-xiri għal-lastiku naturali domestiku kienu bħala medja ogħla mill-prezzijiet tax-xiri għal lastiku naturali importat.

(450)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni biex jiġu stabbiliti xi sussidji kumpensatorji fuq ix-xiri ta' lastiku naturali b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.

3.9.4.   Forniment ta' lastiku sintetiku b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata;

(451)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun xtraw lastiku sintetiku domestikament mingħand kumpaniji relatati jew mhux relatati iżda importaw ukoll xi kwantitajiet ta' lastiku sintetiku. Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi ta' informazzjoni vverifikata li tikkonċerna tranżazzjonijiet individwali mill-kumpaniji kollha fil-kampjun, li l-prezzijiet tax-xiri tal-lastiku sintetiku fis-suq domestiku kienu bħala medja aktar baxxi mill-prezzijiet ta' lastiku sintetiku importat, u li l-prezzijiet tal-lastiku sintetiku pprovduti mill-SOEs kienu bħala medja inqas mill-prezz tal-lastiku sintetiku pprovdut minn kumpaniji privati.

(452)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet li l-Istat kien jeżerċita ċerta influwenza fuq is-suq domestiku għal-lastiku sintetiku. L-ewwel nett, skont l-informazzjoni li waslet mingħand il-GTĊ, l-SOEs kienu jirrappreżentaw 31,43 % tal-produzzjoni domestika tal-lastiku sintetiku.

(453)

It-tieni, il-qafas leġiżlattiv ġenerali jindika li l-lastiku sintetiku huwa parti minn settur inċentivat, li għalih jeżistu miżuri ta' appoġġ. Pereżempju, kif imsemmi fil-premessa (121) hawn fuq, it-13-il Pjan Petrokimiku ta' Ħames Snin, li jsemmi speċifikament il-lastiku sintetiku, jagħmel ir-rabta ma' diversi miżuri ta' appoġġ fiskali u finanzjarji.

(454)

Barra minn hekk, l-Artikolu 17 tal-Politika tal-Industrija tat-Tajers jinkoraġġixxi, fost l-oħrajn, “l-iżvilupp ta' lastiku tal-isoprin u ta' lastiku aloġenat tal-butil”, u għandu l-għan li “jżid il-marki tal-prodotti tal-lastiku sintetiku bħal-lastiku butadjen u l-lastiku tal-istiren butadjen, biex b'mod gradwali jżid il-proporzjon ta' użu tal-lastiku sintetiku, u l-kapaċitajiet ta' żvilupp u produzzjoni”.

(455)

Barra minn hekk, il-Linji Gwida tal-aħħar Oqsma ta' Żvilupp tal-Ogħla Prijorità fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata jagħtu prijorità lill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-produzzjoni u tal-materja prima ewlenija għat-tajers radjali, inkluż il-lastiku sintetiku.

(456)

Fl-aħħar nett, il-Katalgu ta' Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali, li qed jimplimenta d-Deċiżjoni 40, jinkludi “l-lastiku sintetiku kbir, it-teknoloġija avvanzata tal-lastiku u l-elastomer, kif ukoll il-manifattura ta' prodotti ġodda”.

(457)

Il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi ta' informazzjoni vverifikata li tikkonċerna tranżazzjonijiet individwali mill-kumpaniji kollha fil-kampjun, li l-prezzijiet totali tax-xiri tal-lastiku sintetiku fis-suq domestiku kienu bħala medja aktar baxxi mill-prezzijiet tal-lastiku sintetiku importata, u li l-prezzijiet tal-lastiku sintetiku pprovduti mill-SOEs kienu bħala medja inqas mill-prezz tal-lastiku sintetiku pprovdut minn kumpaniji privati. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat ukoll l-eżistenza ta' diversi tipi differenti ta' lastiku, bħal lastiku stirene-butadjene, lastiku butadjene, lastiku tal-isoprin, lastiku tal-fenisoprin, lastiku kloroprene, eċċ. Dawn it-tipi differenti ta' lastiku sintetiku huma kollha użati fil-proċess tal-produzzjoni tat-tajers, iżda għandhom karatteristiċi kimiċi, użi u prezzijiet differenti, u huma prodotti minn kumpaniji differenti.

(458)

Dawn id-differenzi huma tali li l-Kummissjoni ddeċidiet li tibdel l-analiżi tas-suq tagħha skont dawn it-tipi differenti. Wara verifika ulterjuri, il-Kummissjoni sabet li għalkemm kienu osservati differenzi fil-prezzijiet f'livell aggregat, ma kien hemm l-ebda benefiċċju fuq ix-xiri domestiku tat-tipi l-aktar użati ta' lastiku sintetiku, bħal-lastiku stirene-butadjene u lastiku butadjene, u li kien ġie importat ammont sinifikanti ta' tipi ta' lastiku li jintużaw anqas spiss mill-kumpaniji fil-kampjun.

(459)

Għalkemm l-investigazzjoni għalhekk sabet li l-provvista tal-lastiku sintetiku fis-suq domestiku hija sa ċertu punt influwenzata mill-Istat għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (452) sa (456) hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma setgħet tistabbilixxi l-ebda benefiċċji relatati max-xiri ta' lastiku sintetiku b'remunerazzjoni anqas minn dik adegwata.

3.9.5.   Forniment ta' elettriku b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata

(460)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun jew iġġeneraw l-elettriku huma stess jew xtrawha. Il-prezzijiet tax-xiri tal-elettriku mill-grilja segwew il-livelli tal-prezzijiet stabbiliti uffiċjalment stabbiliti f'livell provinċjali għal klijenti industrijali kbar. Kif instab fl-investigazzjonijiet preċedenti (79), dan il-livell ma tax vantaġġ speċifiku lil dawn il-klijenti industrijali kbar.

(461)

Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun ibbenefikaw minn tnaqqis jew rifużjonijiet ta' parti mill-kost tal-elettriku tagħhom fil-forma ta' għotjiet. Għal skopijiet ta' kalkolu, dawn l-għotjiet kienu inklużi fil-figuri kkalkulati taħt it-taqsima 3.12.3 “Għotjiet Ad Hoc” hawn taħt.

(a)    Bażi ġuridika

Diversi Opinjonijiet tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista taċ-Ċina u tal-Kunsill tal-Istat dwar l-Approfondiment Ulterjuri tar-Riforma tas-Sistema tal-Elettriku (Zhong Fa [2015] Nru 9);

Miżuri interim dwar il-proġett pilota għall-elettriku dirett għal utenti ewlenin tal-elettriku ta' Jiangsu u impriżi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, maħruġa mill-Kummissjoni Ekonomika u tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni ta' Jiangsu, it-13 ta' Mejju 2014;

Avviż dwar l-Offerti tal-Elettriku u l-Internet tal-Provinċja ta' Jiangsu Marzu-April 2017;

Avviż ta' ħruġ tal-iskema pilota ta' negozjar dirett tal-elettriku f'Chongqing, Yu Fu Office [2016] Nru 167.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(462)

Il-Kummissjoni sabet li xi utenti industrijali kbar ewlenin tal-elettriku jitħallew jidħlu f'kuntratti ta' xiri dirett mal-ġeneraturi tal-elettriku minflok jixtru mill-grilja. Tlieta mill-erba' gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun kellhom ftehimiet diretti ta' xiri ta' elettriku bħal dawn matul il-perjodu tal-investigazzjoni, filwaqt li r-raba' wieħed akkwista l-elettriku mill-impjant tal-enerġija relatat tiegħu stess. Fil-ftehimiet kollha investigati, il-prezzijiet li ġew riċevuti permezz ta' kuntratti bħal dawn kienu aktar baxxi mill-prezzijiet fissi stabbiliti fil-livell provinċjali għal klijenti industrijali kbar.

(463)

Il-possibbiltà li jidħlu f'kuntratti diretti bħal dawn bħalissa mhijiex miftuħa għall-konsumaturi industrijali l-kbar kollha. Fil-livell nazzjonali, il-leġiżlazzjoni tispeċifika, pereżempju, li “l-impriżi li ma jkunux konformi mal-politika industrijali nazzjonali u li l-prodotti u l-proċessi tagħhom jiġu eliminati, jenħtieġ li ma jipparteċipawx fi tranżazzjonijiet diretti.” (80),

(464)

Fil-prattika, in-negozjar dirett tal-elettriku jiġi eżegwit mill-provinċji. Il-kumpaniji jridu japplikaw għand l-awtoritajiet provinċjali għall-approvazzjoni biex jipparteċipaw fl-iskema pilota tal-elettriku dirett, u jridu jissodisfaw ċerti kriterji. Pereżempju, f'Jiangsu, kuntratti diretti tal-elettriku huma stabbiliti permezz ta' pjattaforma tal-offerti tal-Internet ċentralizzata. Madankollu, huma biss il-kumpaniji li huma “f'konformità mal-linji gwida nazzjonali dwar il-politika industrijali bħall-Katalogu ta' Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali”, li jistgħu jipparteċipaw fil-proċess tal-offerti. Bl-istess mod, f'Chongqing, “intrapriżi li ma jikkonformawx mal-politiki industrijali tal-istat, kif ukoll prodotti u proċessi li jappartjenu għal negozji ristretti jew eliminati, jenħtieġ li ma jipparteċipawx fi tranżazzjonijiet diretti (81)”.

(465)

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda proċess reali ta' negozjar jew ta' offerti, peress li l-kwantitajiet mixtrija b'kuntratti diretti mhumiex ibbażati fuq il-provvista u d-domanda reali. Tabilħaqq, il-ġeneraturi tal-elettriku u l-utenti tal-elettriku mhumiex liberi li jbigħu jew jixtru l-elettriku kollu tagħhom direttament. Huma ristretti minn kwoti kwantitattivi li huma allokati lilhom mill-gvern lokali. Pereżempju, fil-provinċja ta' Ningxia, il-gvern lokali rrestrinġa l-attività tal-pjattaforma għall-kummerċ tal-elettriku billi alloka l-istess kwota ta' Mwh lill-kumpaniji kollha b'mod ġenerali, irrispettivament mill-kwantitajiet reali li l-utenti tefgħu l-offerti għalihom, u li l-kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-elettriku kienu lesti li jipprovdu.

(466)

Wara d-divulgazzjoni finali, GITI sostniet li fil-provinċja ta' Ningxia l-kwoti kwantitattivi fil-fatt ivarjaw b'mod sostanzjali bejn il-kumpaniji u mhumiex allokati b'mod indaqs. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kwoti mhumiex allokati b'mod uniformi. Madankollu, dan ma jbiddilx il-konklużjoni li l-ġeneraturi tal-elettriku u l-utenti tal-elettriku mhumiex liberi li jbigħu jew jixtru l-elettriku kollu tagħhom direttament. Fil-fatt, minkejja l-kwoti differenti allokati fost il-kumpaniji u l-perjodi differenti ta' allokazzjoni, żewġ prezzijiet biss b'differenza ta' inqas minn 1 % bejniethom kienu applikati għall-utenti kollha fil-provinċji. Dan jindika li l-prezzijiet ma jiġux iffissati liberament bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ. Barra minn hekk, kif rikonoxxut minn GITI, hija ma setgħetx tixtri l-elettriku kollu tagħha meħtieġ permezz tal-proċess ta' offerti matul il-perjodu ta' investigazzjoni u kellha tħallas rati tal-elettriku ogħla stabbiliti mill-gvern lokali barra mill-proċess tal-offerti. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(467)

Barra minn hekk, il-ftehimiet riveduti mill-Kummissjoni stipulaw li jekk l-utent jew il-kumpanija tal-elettriku ddevjaw mill-kwoti allokati b'aktar minn 5 %, trid titħallas penali, u li d-dħul addizzjonali mis-sanzjoni jingħata lill-kumpanija tal-grilja tal-Istat.

(468)

Barra minn hekk, għalkemm il-prezzijiet suppost li jiġu nnegozjati direttament bejn il-ġeneraturi tal-elettriku u l-utent tal-elettriku, il-kuntratt finali jiġi ffirmat ukoll mill-kumpanija tal-grilja tal-Istat, u l-fatturi lill-kumpaniji fil-fatt għadhom jinħarġu mill-kumpanija tal-grilja tal-Istat. Fl-aħħar nett, il-kuntratti kollha ta' xiri dirett iffirmati iridu jiġu ppreżentati lill-gvern lokali għar-reġistrazzjoni.

(469)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li r-rata mnaqqsa tal-elettriku inkwistjoni hija sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul irrinunzjat mill-GTĊ (jiġifieri l-operatur tal-grilja) li jagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għall-iffrankar tal-prezz tal-elettriku, peress li l-elettriku ngħata b'rati inqas mill-prezz normali tal-grilja mħallas minn utenti industrijali kbar oħra. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta' din l-iskema għal intrapriżi li jikkonformaw ma' ċerti objettivi ta' politika industrijali stabbiliti mill-Istat u li l-prodotti jew il-proċess tagħhom ma ġewx eliminati bħala mhux eliġibbli.

(470)

Il-Kummissjoni nnutat li bħalissa l-GTĊ qed jestendi din l-iskema, u reċentement ħareġ aktar leġiżlazzjoni biex iżid l-għadd ta' tranżazzjonijiet diretti fis-suq tal-elettriku (82). Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma kinitx applikabbli matul il-perjodu ta' investigazzjoni, u għadha ma ġietx implimentata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se jkollha bżonn teżamina eżattament kif se jaħdmu r-regoli l-ġodda fil-prattika, qabel ma tkun tista' tikkonkludi li m'għad hemm l-ebda distinzjonijiet bejn il-benefiċjarji. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iskema ta' sussidju kienet fis-seħħ matul il-perjodu ta' investigazzjoni u li hija speċifika skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, hija se tkompli tagħti benefiċċji wara l-perjodu ta' investigazzjoni skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(471)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju kien ikkalkulat f'termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala d-differenza bejn il-prezz totali tal-elettriku pagabbli skont ir-rata normali tal-grilja u l-prezz totali tal-elettriku pagabbli skont ir-rata mnaqqsa.

(472)

Il-Hankook Group u Giti Group qalu li l-Kummissjoni għamlet żball klerikali fil-kalkolu tal-ammonti tas-sussidju tagħha. Il-Kummissjoni aċċettat dawn il-kummenti u rrevediet il-kalkoli skont dan.

(473)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' din l-iskema matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun jammonta għal:

Forniment ta' elettriku b'remunerazzjoni inqas minn dik adegwata

Kumpanija/Grupp

Rata tas-Sussidju

China National Tire Group

0,04 %

Giti Group

0,31 %

Hankook Group

0,23 %

3.9.6.   Drittijiet għall-użu tal-art (Land use rights, LUR)

(a)    Introduzzjoni

(474)

L-art kollha fir-RPĊ hija proprjetà jew tal-Istat jew ta' kollettiva, magħmula jew minn villaġġi jew minn bliet żgħar, qabel ma t-titolu ġuridiku jew ekwitabbli tal-art ikun jista' jingħata privattiva jew jingħata lil sidien korporattivi jew individwali. Il-biċċiet ta' art kollha f'zoni urbanizzati huma proprjetà tal-Istat u l-biċċiet ta' art kollha f'żoni rurali huma proprjetà tal-irħula jew tal-bliet żgħar fihom.

(475)

Skont il-liġi kostituzzjonali tar-RPĊ u l-Liġi dwar l-Artijiet, il-kumpaniji u l-individwi jistgħu madankollu jixtru “drittijiet għall-użu tal-art”. Għal art industrijali, il-kera hija normalment ta' 50 sena, u tiġġedded għal perjodu ieħor ta' 50 sena.

(476)

Skont il-GTĊ, mill-31 ta' Awwissu 2006, permezz tal-Artikolu 5 tan-Notifika tal-Kunsill tal-Istat dwar it-Tisħiħ tar-Regolamentazzjoni tal-Art (GF [2006] Nru. 31), titolu għal art industrijali jista' jingħata biss mill-Istat lil intrapriżi industrijali permezz ta' offerta jew ta' proċess simili ta' offerti pubbliċi fejn il-prezz finali maqbul ma jridx ikun inqas mill-prezz minimu tal-offerta. Il-GTĊ huwa tal-fehma li fir-RPĊ hemm suq ħieles għall-art u li l-prezz imħallas minn intrapriża industrijali għat-titolu ta' twellija tal-art jirrifletti l-prezz tas-suq.

(b)    Bażi legali

(477)

Id-dispożizzjoni tad-dritt tal-użu tal-art fiċ-Ċina taqa' taħt il-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Barra minn hekk, id-dokumenti segwenti huma wkoll parti mill-bażi legali:

Il-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Amministrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli Urbana (Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 18);

Ir-Regolamenti interim tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li Jirrigwardaw l-Għoti u t-Trasferiment tad-Dritt għall-Użu ta' Art tal-Gvern fiż-Żoni Urbani;

Ir-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Amministrazzjoni tal-Artijiet tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Ordni tal-Kunsill tal-Istat tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina [2014] Nru 653);

Id-dispożizzjoni dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Użu ta' Art tal-Gvern għall-Kostruzzjoni permezz ta' Sejħa għall-Offerti, Irkant u Kwotazzjoni;

In-notifika tal-Kunsill tal-Istat dwar it-Tisħiħ tar-Regolamentazzjoni tal-Art (GF [2006] Nru 31).

(c)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(478)

Skont l-Artikolu 10 tad-“Dispożizzjoni dwar l-Għoti tad-Dritt għall-Użu ta' Art għall-Kostruzzjoni tal-Istat permezz ta' Sejħa għall-Offerti, Irkant u Kwotazzjoni”, l-awtoritajiet lokali jistabbilixxu l-prezzijiet tal-art skont is-sistema tal-evalwazzjoni tal-art urbana, li tiġi aġġornata kull tliet snin biss, u l-politika industrijali tal-gvern.

(479)

F'investigazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni sabet li l-prezzijiet imħallsa għal-LUR fir-RPĊ ma kinux rappreżentattivi ta' prezz tas-suq iddeterminat mill-provvista u d-domanda tas-suq ħieles, peress li s-sistema tal-irkant instabet li ma kinitx ċara, ma kinitx trasparenti u ma kinitx qed tiffunzjona fil-prattika, u nstab li l-prezzijiet kienu stabbiliti b'mod arbitrarju mill-awtoritajiet. Kif issemma fil-premessa preċedenti, l-awtoritajiet jistabbilixxu l-prezzijiet skont is-Sistema ta' Evalwazzjoni tal-Art Urbana li, fost kriterji oħrajn, tagħtihom struzzjonijiet sabiex jikkunsidraw ukoll il-politika industrijali meta jistabbilixxu l-prezz tal-art industrijali.

(480)

L-investigazzjoni attwali ma wriet ebda tibdil notevoli f'dan ir-rigward. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet li, bl-eċċezzjoni ta' plott ta' art waħda għal Hankook Group, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun ma kien għadda minn proċess ta' offerti jew minn proċess ta' offerta pubblika simili għal xi LUR tiegħu, lanqas għad-drittijiet ta' użu tal-art miksuba dan l-aħħar. L-LURs miżmuma mill-kumpaniji fil-kampjun kienu allokati mill-awtoritajiet lokali bi prezzijiet negozjati.

(481)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, Pirelli Tyre Co. Ltd. argumentat li ma rċeviet l-ebda użu ta' art taħt il-prezz tas-suq, peress li allegatament tikri l-art tagħha minn sidien privati Ċiniżi fuq il-bażi ta' prattiki standard tas-suq. Il-Kummissjoni taqbel li Pirelli Tyre Co. Ltd. tikri parti mill-art tagħha. Madankollu, minħabba li s-sid privat Ċiniż imsemmi minn Pirelli Tyre Co. Ltd. kien attwalment kumpanija relatata li għandha l-LUR, il-Kummissjoni injorat dan il-prezz ta' kiri bejn il-kumpaniji u qieset il-kuntratt tax-xiri attwali u l-prezz tal-LUR imħallas mill-kumpanija relatata. Dan l-argument ġie għalhekk miċħud.

(482)

Wara d-divulgazzjoni finali, Pirelli tenniet l-argumenti tagħha u sostniet li l-kumpanija relatata li għandha l-LUR kienet akkwistat l-art tagħha permezz ta' proċess kompetittiv ta' offerti. Madankollu, l-ebda evidenza ma kienet ipprovduta, la qabel u lanqas wara d-divulgazzjoni finali, li kien sar xi proċess ta' offerti għall-akkwist ta' din l-art. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha.

(483)

Il-Kummissjoni nnutat li hemm ukoll sistema dinamika ta' monitoraġġ tal-art minbarra s-sistema ta' monitoraġġ tal-art urbana. Fir-reviżjoni tal-iskadenza tal-Panelli Solari li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (83), il-Kummissjoni sabet li dawn il-prezzijiet huma ogħla mill-prezzijiet ta' referenza minimi stabbiliti mis-sistema ta' evalwazzjoni tal-art urbana u użati mill-gvernijiet lokali, minħabba li dawn tal-aħħar kienu aġġornati biss kull tliet snin, filwaqt li l-prezzijiet tal-monitoraġġ dinamiku kienu aġġornati kull tliet xhur. Madankollu, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-art huma bbażati fuq il-prezzijiet tal-monitoraġġ dinamiku. Fil-fatt, il-GTĊ, waqt il-verifika dwar il-panelli solari, kien ikkonferma li s-sistema ta' monitoraġġ dinamiku tal-prezz tal-art timmonitorja l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-prezz tal-art f'ċerti żoni (jiġifieri il-105 bliet Ċiniżi) fir-RPĊ u hi ddisinjata biex tevalwa l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-art. Madankollu, il-prezzijiet inizjali fl-offerti u l-irkanti kienu bbażati fuq il-punti ta' riferiment stabbiliti mis-sistema tal-evalwazzjoni tal-art. Barra minn hekk, f'dan il-każ, il-gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun irċevew il-biċċiet ta' art tagħhom permezz ta' allokazzjoni. Għalhekk, il-fatt li din is-sistema tal-aħħar kienet teżisti kien irrilevanti peress li ma kinitx tapplika għall-kumpaniji fil-kampjun.

(484)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni kif ukoll l-istadju tad-divulgazzjoni finali, kemm il-GTĊ kif ukoll il-kumpaniji fil-kampjun ikkontestaw l-użu ta' punt ta' riferiment barra mill-pajjiż, u minflok ipproponew l-użu ta' punt ta' riferiment fil-pajjiż. Kemm il-GTĊ kif ukoll il-Hankook Group enfasizzaw li l-Kummissjoni kien imissha użat il-prezz tad-drittijiet tal-użu tal-art mis-sistema dinamika ta' monitoraġġ tal-art, fid-dawl tal-fatt li d-dritt għall-użu tal-art ta' waħda mis-sussidjarji Ċiniżi ta' Hankook Group kien inkiseb permezz ta' proċess ta' offerti. Madankollu, il-Kummissjoni diġà rreferiet fil-valutazzjoni tat-TES tagħha fl-investigazzjoni antidumping parallela għall-fatt li kellha dubji dwar dan il-proċess ta' offerti. B'mod partikolari, il-Hankook Group kien l-uniku offerent għall-art, u l-prezz imħallas kien jikkorrispondi mal-prezz inizjali tal-proċess tal-offerti. Fin-nuqqas ta' informazzjoni dettaljata addizzjonali dwar il-proċess attwali tal-irkant u b'kunsiderazzjoni tal-fatt li plott tal-art simili kien mibjugħ għal prezz ogħla matul l-istess perjodu ta' żmien, ma kienx hemm ċertezza li l-prezz inizjali kien stabbilit b'mod indipendenti u kien jikkorrispondi għall-valur tas-suq tad-dritt tal-użu tal-art fl-2011. Barra minn hekk, minn hemm' il quddiem, il-prezz inizjali tal-2011 ta' din il-biċċa art kien saħansitra mnaqqas aktar b'rifużjoni sinifikanti. Din il-pretensjoni ġiet għalhekk miċħuda.

(485)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-kumpaniji fil-Giti Group kif ukoll dawk fil-Hankook Group irċevew rifużjonijiet mingħand awtoritajiet lokali biex jikkumpensaw għall-prezzijiet li ħallsu għal-LURs. Barra minn hekk, xi wħud mil-LURs miksuba mill-kumpaniji fix-Xingyuan Group kienu għadhom ma tħallsux, u xi wħud mil-LURs fiċ-China National Tire Group kellhom jitħallsu biss diversi snin wara li l-art tkun bdiet tintuża.

(486)

L-evidenza hawn fuq tikkontradixxi d-dikjarazzjonijiet tal-GTĊ li l-prezzijiet imħallsa għal-LUR fir-RPĊ huma rappreżentattivi ta' prezz tas-suq iddeterminat mill-provvista u d-domanda fis-suq ħieles.

(487)

Wara d-divulgazzjoni finali, Pirelli argumentat li l-Kummissjoni naqset milli tippreżenta xi evidenza ġdida biex turi li l-GTĊ tabilħaqq ipprovda LURs lill-manifatturi tat-tajers għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. Il-Kummissjoni ma qablitx ma' din id-dikjarazzjoni. Kif muri fil-premessa (475) hawn fuq, il-Kummissjoni investigat għal kull wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun jekk kinux saru xi offerti kompetittivi, iżda kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, li kkonferma s-sejbiet minn investigazzjonijiet preċedenti.

(d)    Konklużjoni

(488)

Is-sejbiet ta' din l-investigazzjoni juru li s-sitwazzjoni li tikkonċerna l-provvista u l-akkwist tal-art fir-RPĊ mhijiex trasparenti u li l-prezzijiet ġew stabbiliti b'mod arbitrarju mill-awtoritajiet.

(489)

Għaldaqstant, l-għoti ta' drittijiet għall-użu tal-art mill-GTĊ jenħtieġ li jitqies bħala sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) (iii) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku fil-forma ta' provvista ta' prodotti li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji riċevituri. Kif ġie spjegat fil-premessi (478) sa (486) ta' hawn fuq, ma hemm l-ebda suq funzjonanti għall-art fir-RPĊ u l-użu ta' valur referenzjarju estern (ara l-premessi (494) sa (504) hawn taħt) juri li l-ammont li l-produtturi esportaturi fil-kampjun ħallsu għad-drittijiet għall-użu tal-art huwa ferm inqas mir-rata normali tas-suq.

(490)

Fil-kuntest ta' aċċess preferenzjali għall-art industrijali għal kumpaniji li jappartjenu għal ċerti industriji, il-Kummissjoni nnotat li l-prezz stabbilit mill-awtoritajiet lokali jrid iqis il-politika industrijali tal-gvern, kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (479). F'din il-politika industrijali, l-industrija tat-tajers titqies bħala pilastru tal-industrija Ċiniża, u hija elenkata bħala industrija inċentivata (84). Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat titlob li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw li l-art tiġi pprovduta lill-industriji inċentivati. L-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni Nru 40 jagħmilha ċara li l-industriji li huma “ristretti” ma jkollhomx aċċess għad-drittijiet għall-użu tal-art. Minn dan isegwi li s-sussidju huwa speċifiku skont l-Artikolu 4(2)(a) u 4 (2) (c) tar-Regolament bażiku għaliex l-għoti preferenzjali ta' art huwa limitat għal kumpaniji li jappartjenu għal ċerti industriji, f'dan il-każ is-settur tat-tajers, u l-prattiki tal-gvern f'dan il-qasam mhumiex ċari u mhumiex trasparenti.

(491)

Il-Giti Group saħaq li l-ispeċifiċità tas-sussidju għal-LUR kienet marbuta ma' li tiġi elenkata bħala industrija inċentivata fil-pjanijiet tal-gvern Ċiniż, u li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-kumpaniji tat-tajers kienu jappartjenu għal industrija inċentivata meta kien hemm qbil dwar il-prezzijiet tad-drittijiet tal-użu tal-art. Din id-dikjarazzjoni hija rrifjutata, billi t-tajers u/jew l-industrija petrokimika kienu diġà indikati bħala industrija inċentivata saħansitra mit-8 u d-9 Pjanijiet ta' Ħames Snin, li jindikaw l-industrija petrokimika bħala waħda mill-industriji pilastri tal-pajjiż, u jitkellmu dwar l-iżvilupp b'mod proattiv ta' prodotti kimiċi fini u l-appoġġ għal proġetti kimiċi ewlenin, kif ukoll fil-“Katalogu tal-industriji, il-prodotti u t-teknoloġiji ewlenin li bħalissa qed jiġu inċentivati mill-Istat (emendat fl-2000)”, li jinkludi l-manifattura ta' tajers radjali ta' grad għoli. Dawn id-dokumenti jikkorrispondu għall-perjodu meta l-ewwel LURs ingħataw lill-kumpaniji fil-kampjun.

(492)

Il-Giti Group kkummenta wkoll li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-kumpaniji upstream li jipproduċu inputs, bħal korda tal-azzar jew korda tan-najlon, għall-produtturi esportaturi kienu jappartjenu għal industrija inċentivata. Madankollu, il-Katalgu ta' Gwida għall-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali jelenka l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' materjali speċjali ta' sostenn għal tajers radjali ta' prestazzjoni għolja bħala “inċentivata”. Barra minn hekk, il-Politika tal-Industrija tat-Tajers tinkoraġġixxi l-“iżvilupp u l-użu ta' struttura ġdida ta' kordi tal-azzar, materjal ta' korda b'modulus għoli u ta' poliesteru bix-xrib baxx, materjal ta' korda tan-najlon ta' tenaċità għolja u materjal bażiku ieħor tat-tajers”. B'hekk dan l-argument ġie rifjutat.

(493)

Konsegwentement, dan is-sussidju jitqies kumpensabbli.

(e)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(494)

Bħal f'investigazzjonijiet preċedenti (85) u skont l-Artikolu 6(d)(ii) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet tal-art mit-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu (“Tajpej Ċiniża”) ntużaw bħala punt ta' riferiment estern (86). Il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri jiġi kkalkulat billi tiġi kkunsidrata d-differenza bejn l-ammont effettivament imħallas minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun (jiġifieri l-prezz effettiv imħallas kif iddikjarat fil-kuntratt u, meta applikabbli, il-prezz iddikjarat fil-kuntratt imnaqqas bl-ammont ta' rifużjonijiet/għotjiet mill-gvern lokali) għad-drittijiet għall-użu tal-art u l-ammont li normalment kellu jitħallas abbażi tal-valur referenzjarju ta' Tajpej Ċiniża.

(495)

Il-Kummissjoni tqis lil Tajpej Ċiniża bħala valur referenzjarju estern xieraq għar-raġunijiet li ġejjin:

il-livell paragunabbli ta' żvilupp ekonomiku, PDG u lstruttura ekonomika f'Tajpej Ċiniża u fil-parti l-kbira mill-provinċji u l-ibliet fir-RPĊ fejn huma bbażati l-produtturi esportaturi fil-kampjun;

il-prossimità fiżika tar-RPĊ u ta' Tajpej Ċiniża;

il-livell għoli ta' infrastruttura industrijali kemm f'Tajpej Ċiniża kif ukoll f'ħafna provinċji tar-RPĊ;

ir-rabtiet ekonomiċi u l-kummerċ transfruntier b'saħħithom li jeżistu bejn Tajpej Ċiniża u r-RPĊ;

id-densità għolja tal-popolazzjoni f'ħafna mill-provinċji tar-RPĊ u f'Tajpej Ċiniża;

ix-xebh bejn it-tip ta' art u t-tranżazzjonijiet użati għat-tiswir tal-valur referenzjarju rilevanti f'Tajpej Ċiniża u dawk tar-RPĊ; u

il-karatteristiċi demografiċi, lingwistiċi u kulturali komuni bejn Tajpej Ċiniża u r-RPĊ.

(496)

Il-Kummissjoni użat il-prezz medju tal-art għal kull metru kwadru stabbilit fit-Tajwan ikkoreġut għall-inflazzjoni u l-evoluzzjoni tal-PDG mid-dati tal-kuntratti rispettivi tad-dritt għall-użu tal-art, billi segwiet il-metodoloġija applikata f'investigazzjonijiet preċedenti. L-informazzjoni rigward il-prezzijiet tal-art industrijali nġabret mis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Industrijali tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan. L-inflazzjoni u l-evoluzzjoni tal-PDG għat-Tajwan ġew ikkalkulati abbażi tar-rati ta' inflazzjoni u l-evoluzzjoni tal-PDG per capita bil-prezzijiet kurrenti f'USD għat-Tajwan kif ippubblikati mill-FMI għall-2015.

(497)

Wara d-divulgazzjoni finali, Pirelli sostniet li l-użu ta' punt ta' riferiment estern ma kienx konformi mas-sejbiet tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fl-Istati Uniti – Softwood Lumber IV (87), peress li l-punt ta' riferiment ma għamilx l-aġġustamenti meħtieġa biex jirrifletti l-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq finanzjarju Ċiniż. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-punt ta' riferiment Tajwaniż jitqies li huwa punt ta' riferiment xieraq, li huwa diġà qrib is-suq Ċiniż għal diversi raġunijiet, kif stipulat fil-premessa (488) hawn fuq. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-art tat-Tajwan ġew aġġustati għall-passat biex iqisu l-evoluzzjoni tal-PDG u l-inflazzjoni maż-żmien.

(498)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Hankook Group ġibed l-attenzjoni għall-fatt li d-data pprovduta mis-sit web tal-informazzjoni tal-Provvista tal-Art Industrijali u tas-Servizz tal-Uffiċċju tal-Iżvilupp Industrijali tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi tat-Tajwan, li l-Kummissjoni kienet użat, ma setax jiġi aċċessat aktar u pprovda biss offerti għal art industrijali u mhux prezzijiet tranżazzjonali attwali.

(499)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li d-data li kienet intużat bħala bażi għad-Dokument ta' Informazzjoni ma baqgħetx aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Il-Kummissjoni sussegwentement sabet li l-Ministeru tal-Intern tat-Tajwan kien żviluppa bażi ta' data ġdida għall-ġbir ta' rekords kummerċjali attwali għall-bejgħ tal-art industrijali, mill-2013 'il quddiem, u aċċessibbli permezz tas-sit web li ġej: http://lvr.land.moi.gov.tw/login.action. Il-Kummissjoni qieset li dan huwa sors affidabbli ta' data aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha. Barra minn hekk, jirreferi għal prezzijiet tranżazzjonali attwali aktar milli għal offerti għall-art industrijali. B'hekk, il-Kummissjoni aċċettat l-argumenti tal-Hankook Group u bidlet il-punt ta' riferiment għall-kalkolu tal-benefiċċju b'rabta ma' LURs skont dan għall-kumpaniji kollha inklużi fil-kampjun.

(500)

Bħala riżultat, għall-perjodu li jibda mill-2013, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet attwali mill-Ministeru tal-Intern Tajwaniż. Għal LURs miksuba qabel din id-data, il-prezzijiet storiċi nbnew fuq l-evoluzzjoni tal-PDG u l-inflazzjoni fit-Tajwan, kif kien il-każ f'investigazzjonijiet preċedenti.

(501)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Giti Group, il-Hankook Group u l-GTĊ ikkritikaw li l-prezzijiet tal-LUR abbażi tas-sett il-ġdid ta' data kienu ħafna ogħla minn dawk użati fl-investigazzjonijiet preċedenti, li qajjem dubji dwar l-affidabbiltà tal-punt ta' riferiment il-ġdid. Barra minn hekk, il-Hankook Group sostna li kienu saru żbalji fil-ġbir tad-data mill-bażi tad-data Tajwaniża, u ressaq kalkolu alternattiv ibbażat fuq l-istess bażi tad-data. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li kien hemm żball klerikali fl-aggregazzjoni tal-prezzijiet tal-art individwali, u kkoreġiet il-prezzijiet tal-art medji skont dan. Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx mal-kriterji tal-għażla użati mill-Hankook Group biex jikkompila d-data. L-ewwel, il-Hankook Group organizza tranżazzjonijiet minn perjodu żbaljat jiġifieri mill-2012 għall-inqas f'dak li jirrigwarda ċerti tranżazzjonijiet. It-tieni, il-Hankook Group uża l-prezzijiet mit-22 distretti kollha fit-Tajwan, inklużi xi żoni rurali bi ftit jew l-ebda attività industrijali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni bbażat l-għażla tagħha fuq is-sitt distretti fejn jinsabu l-biċċa l-kbira tal-parks industrijali Tajwaniżi. Peress li l-produtturi esportaturi fil-kampjun kollha jinsabu f'żoni industrijali fiċ-Ċina, jeħtieġ li punt ta' riferiment xieraq ikun ibbażat fuq tranżazzjonijiet li seħħew ukoll f'żona industrijali. Din il-parti tal-pretensjoni ta' Hankook ġiet għalhekk miċħuda.

(502)

Il-Hankook Group argumenta fil-kummenti tiegħu li l-prezzijiet kostruwiti Tajwaniżi fil-passat jenħtieġ li jqisu l-iżvilupp tal-PDG fiċ-Ċina minflok l-iżvilupp tal-PDG fit-Tajwan, sabiex titqies ir-rata aktar mgħaġġla ta' żvilupp fiċ-Ċina fl-aħħar 30 sena. Bħala tali, għall-Hankook Group, il-prezzijiet Tajwaniżi kkoreġuti jenħtieġ li jqisu l-livell ta' żvilupp ekonomiku fil-Muniċipalità ta' Chongqing mill-2010 u f'Huai'an, Provinċja ta' Jiangsu mill-1996.

(503)

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ċ-Ċina fil-passat kellha rata aktar mgħaġġla ta' żvilupp milli kellu t-Tajwan. L-użu ta' fattur tal-PDG li jqis din id-differenza fil-prinċipju huwa xieraq biex wieħed jasal għal punt ta' riferiment xieraq. Madankollu, skont il-punteġġ tal-indikatur tal-kapaċità statistika tal-Bank Dinji, il-kwalità tad-data statistika fiċ-Ċina laħqet biss livell ta' affidabbiltà li huwa simili għal pajjiżi oħra ta' dħul medju superjuri wara s-sena 2012. Dan jikkorrispondi għat-tmiem tal-perjodu li għalih huwa meħtieġ li tinbena d-data (88). Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tuża data statistika relatata mal-PDG Ċiniż biex tibni prezzijiet storiċi ta' LUR f'dan il-każ.

(504)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Giti Group argumenta li l-indikatur tal-kapaċità statistika tal-Bank Dinji juża lista sħiħa ta' indikaturi, li ħafna minnhom ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-indikaturi makroekonomiċi. Il-Kummissjoni qablet li l-indikatur tal-kapaċità statistika tal-Bank Dinji huwa bbażat fuq basket ta' indikaturi, li jinkludu kemm indikaturi makroekonomiċi kif ukoll indikaturi oħrajn. L-għan tiegħu huwa li jirrifletti l-ħila ta' nazzjon biex jiġbor, janalizza, u jxerred data ta' kwalità għolja dwar il-popolazzjoni u l-ekonomija tiegħu, abbażi tal-metodoloġija, is-sorsi tad-data, il-perjodiċità u l-puntwalità użati minn pajjiż biex jipproduċi l-istatistika ekonomika u tal-popolazzjoni tiegħu. Madankollu, il-fatt li l-punteġġ ma jiffokax esklussivament fuq l-istatistika tal-PDG, iżda li għandu kompetenza usa' ma jinvalidax ir-riżultati tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni sostniet li d-data relatata mal-PDG Ċiniż ma setgħetx tintuża għal prezzijiet tal-LUR tal-passat.

(505)

Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidju ġie allokat għall-perjodu ta' investigazzjoni bl-użu tal-ħajja normali tad-dritt għall-użu tal-art għall-użu tal-art industrijali, jiġifieri 50 sena. Dan l-ammont imbagħad ġie allokat fuq il-fatturat totali tal-kumpanija rispettiva matul il-perjodu tal-investigazzjoni, għaliex is-sussidju ma jiddependix mill-andament tal-esportazzjoni u ma ngħatax b'referenza għall-kwantitajiet manifatturati, prodotti, esportati jew trasportati.

(506)

Il-Giti Group allega li l-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu d-data tal-valutazzjoni tal-LUR, minflok id-data tat-tranżazzjoni, biex tikkalkula kull benefiċċju li jikkonċerna l-LUR. Il-Kummissjoni ċaħdet din l-allegazzjoni, peress li d-data tat-tranżazzjoni hija ekwivalenti għall-avveniment li kellu impatt monetarju fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

(507)

Barra minn hekk, il-Giti Group ħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ispejjeż addizzjonali biex l-art issir disponibbli għall-użu industrijali, kif ukoll l-hekk imsejħa tariffi ta' appoġġ u tariffi ta' rekwiżizzjoni tal-art fil-kalkolu tal-benefiċċju. Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn il-kummenti għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

Il-kumpaniji inkwistjoni akkwistaw il-LURs tagħhom b'valur kuntrattwali li fih ma kien hemm l-ebda referenza għal xi spejjeż oħra. Bħala riżultat, il-Kummissjoni vvalutat li kellu jiġi kkunsidrat biss il-valur kuntrattwali;

Il-valur tal-punt ta' riferiment innifsu ma jinkludix spejjeż jew tariffi addizzjonali.

(508)

Fl-aħħar nett, xi kummenti minuri speċifiċi għall-kumpaniji li għandhom x'jaqsmu ma' żbalji klerikali u l-kalkolu tal-benefiċċji li ma kinux relatati mal-perjodu ta' investigazzjoni kienu aċċettati għal China National Tire, Giti u Hankook.

(509)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' dan is-sussidju matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun jammonta għal:

Għoti ta' Drittijiet għall-użu tal-art għal prezz inferjuri għall-valur adegwat

Kumpanija/Grupp

Rata tas-Sussidju

China National Tire Group

1,80 %

Giti Group

1,75 %

Hankook Group

1,11 %

Xingyuan Group

1,06 %

3.10.   Programmi ta' tnaqqis u ta' eżenzjoni mit-taxxa diretta

3.10.1.   Privileġġi tal-EIT għal Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida

(510)

Skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi (“il-Liġi EIT”), intrapriżi ta' teknoloġija avvanzata u ġdida li għalihom l-Istat jeħtieġ li jagħti appoġġ ewlieni jingħataw tnaqqis fir-rata tat-taxxa fuq l-introjtu tal-intrapriżi ta' 15 % minflok ir-rata ta' taxxa standard ta' 25 %.

(a)    Bażi ġuridika

(511)

Il-bażi ġuridika ta' dan il-programm huwa l-Artikolu 28 tal-Liġi EIT u l-Artikolu 93 tar-Regoli tal-Implimentazzjoni għal-Liġi tar-RPĊ dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi, kif ukoll:

Iċ-Ċirkulari tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-reviżjoni u l-ħruġ tal-“Miżuri Amministrattivi għar-Rikonoxximent ta' Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata”, G.K.F.H. [2016] Nru 32;

Notifika tal-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar ir-Reviżjoni, l-Istampar u l-Ħruġ ta' Gwida għall-Immaniġġjar tar-Rikonoxximent ta' Impriżi tat-Teknoloġija Avvanzata u Ġdida, GKFH [2016] Nru 195; u

Il-Linji Gwida għall-Iżvilupp ta' Żoni ta' Prijorità Ewlenin għall-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata (2011), maħruġa mill-NDRC, il-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(512)

Kumpaniji li jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa huma parti minn ċerti oqsma ewlenin ta' teknoloġija għolja u ġdida appoġġati mill-Istat, kif ukoll il-prijoritajiet attwali dwar oqsma ta' teknoloġija għolja appoġġjati mill-Istat, kif elenkati fil-Linji Gwida tal-Aħħar Żoni Prijoritarji Ewlenin tal-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata. Dawn il-linji gwida jsemmu b'mod ċar it-teknoloġija tal-manifattura u l-materja prima ewlenija għat-tajers radjali bħala qasam ta' prijorità.

(513)

Sabiex ikunu eliġibbli, il-kumpaniji jenħtieġ li jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

iżommu ċertu proporzjon ta' spejjeż ta' riċerka u żvilupp meta mqabbla mad-dħul tagħhom mill-bejgħ;

iżommu ċertu proporzjon ta' dħul minn teknoloġija/prodotti/servizzi tat-teknoloġija avvanzata fid-dħul totali tal-intrapriża; u

iżommu ċertu proporzjon ta' persunal tekniku fost l-impjegati kollha tal-intrapriża.

(514)

Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn din il-miżura jridu jippreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom u l-annessi rilevanti. L-ammont propju tal-benefiċċju huwa inkluż fid-dikjarazzjoni tat-taxxa.

(515)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li t-tpaċija tat-taxxa inkwistjoni hija sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri jissarraf f'taxxa ffrankata. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta' din l-iskema għal intrapriżi li qed joperaw f'ċerti żoni ta' prijorità ta' teknoloġija għolja stabbiliti mill-Istat, bħal xi teknoloġiji ewlenin fis-settur tat-tajers.

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(516)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju kien ikkalkulat f'termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli skont ir-rata mnaqqsa tat-taxxa.

(517)

L-ammont ta' sussidju stabbilit għal din l-iskema speċifika kien ta' 0,12 % għal China National Tire Group u 0,01 % għall-Giti Group.

3.10.2.   Tpaċija tal-EIT għall-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp

(518)

Il-kumpens tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp jintitola lil kumpaniji għal trattament ta' taxxa preferenzjali għall-attivitajiet ta' R&Ż tagħhom f'ċerti oqsma ta' prijorità ta' teknoloġija għolja stabbiliti mill-Istat u meta jkunu ssodisfati ċerti limiti ta' nfiq għar-R&Ż.

(519)

B'mod aktar speċifiku, l-infiq fir-R&Ż biex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda, prodotti ġodda u snajja' ġodda li ma jiffurmawx assi intanġibbli u jitqiesu bħala profitt u telf attwali, huma soġġetti għal tnaqqis addizzjonali ta' 50 % wara li jitnaqqsu kompletament fid-dawl tas-sitwazzjoni reali. Meta l-infiq tar-R&Ż imsemmi hawn fuq ikun jifforma parti mill-assi intanġibbli, dawn ikunu soġġetti għal amortizzament ibbażat fuq 150 % tal-ispejjeż tal-assi intanġibbli.

(a)    Bażi ġuridika

(520)

Il-bażi ġuridika għall-programm hija l-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar l-EIT, flimkien mar-Regoli ta' Implimentazzjoni għal-Liġi tar-RPĊ dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi; kif ukoll l-avviżi li ġejjin:

L-Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni u l-Ministeru tax-Xjenza u t-Teknoloġija dwar it-Titjib tal-Politika ta' Tnaqqis Qabel it-Taxxa għal Spejjeż tar-R&Ż. (Cai Shui [2015] Nru. 119);

Avviż tal-Amministrazzjoni tal-Istat tat-Tassazzjoni dwar Kwistjonijiet li Jikkonċernaw il-Politika ta' Tnaqqis Qabel it-Taxxa tal-Ispejjeż tar-R&Ż tal-Intrapriżi; u

Il-Linji Gwida għall-Iżvilupp ta' Żoni ta' Prijorità Ewlenin għall-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata (2011), maħruġa mill-NDRC, il-Ministeru tax-Xjenza tat-Teknoloġija, il-Ministeru tal-Kummerċ u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(521)

Matul investigazzjoni preċedenti (89), ġie stabbilit li t-“teknoloġiji, prodotti ġodda u snajja' ġodda” li jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis tat-taxxa huma parti minn ċerti oqsma ta' teknoloġija għolja appoġġjati mill-Istat, kif ukoll il-prijoritajiet attwali f'oqsma ta' teknoloġija għolja appoġġjati mill-Istat, kif elenkati fil-Linji Gwida tal-Aħħar Żoni Prijoritarji Ewlenin tal-Iżvilupp fl-Industriji tat-Teknoloġija Avvanzata.

(522)

Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li t-tpaċija tat-taxxa inkwistjoni hija sussidju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) (ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul mitluf mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għat-taxxa ffrankata. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-leġiżlazzjoni nnifisha tillimita l-applikazzjoni ta' din il-miżura biss għal intrapriżi li jġarrbu spejjeż ta' R&Ż f'ċerti żoni ta' prijorità ta' teknoloġija għolja stabbiliti mill-Istat, bħas-settur tat-tajers.

(523)

Il-Giti Group allega li t-tpaċija tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp mhuwiex sussidju speċifiku, peress li japplika għall-kumpaniji Ċiniżi kollha kif stabbilit fl-Artikolu 95 tar-Regolament dwar l-Implimentazzjoni tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi li tapplika għall-kumpaniji kollha, mhux biss għal intrapriżi ta' teknoloġija għolja u ġdida.

(524)

Il-Kummissjoni ċaħdet l-allegazzjoni li l-kumpens tat-taxxa għar-riċerka u l-iżvilupp mhuwiex sussidju speċifiku. Għalkemm huwa veru li huwa ma japplikax biss għal intrapriżi tat-teknoloġija avvanzata u ġdida, l-użu tiegħu huwa ristrett għal “teknoloġiji, prodotti u snajja ġodda”, li ġew definiti speċifikament kif imsemmi fil-premessa (521) hawn fuq. Għalhekk, il-konklużjoni preliminari tal-Kummissjoni tibqa' l-istess,

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(525)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju kien ikkalkulat f'termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan il-benefiċċju kien ikkalkulat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali pagabbli wara t-tnaqqis addizzjonali ta' 50 % tal-ispejjeż reali fuq R&Ż.

(526)

L-ammont ta' sussidju stabbilit għal din l-iskema speċifika kien ta' 0,02 % għall-Giti Group.

(527)

Il-Giti Group ddikjara li meta ma naqqsitx il-benefiċċji allegati mill-iskemi li jnaqqsu l-ispejjeż ta' kumpanija (u b'hekk iżidu l-profitti tagħha) meta kkalkulat il-benefiċċju taħt it-tnaqqis tat-taxxa għal intrapriżi ta' teknoloġija għolja u ġdida, il-Kummissjoni effettivament għaddet xi wħud mill-benefiċċji allegati darbtejn.

(528)

Il-Kummissjoni qablet mal-Giti Group li l-benefiċċji minn sussidji (meta rrappurtati bħala dħul fir-rapport tal-introjtu) inaqqsu l-ispejjeż ta' kumpanija u bħala riżultat iżidu l-profitt gross ta' kumpanija, li jwassal għal taxxa ogħla u fejn applikabbli tnaqqis ogħla mit-taxxa. Madankollu, il-kumpanija Giti Radial hija intitolata li tiddikjara għotjiet u sussidji bħala dħul eżentat għall-kalkolu tal-ammont taxxabbli, u b'hekk tnaqqas it-taxxi fuq id-dħul pagabbli. Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-Kummissjoni hija applikata b'mod konsistenti billi jiġu kkalkulati l-benefiċċji abbażi tad-data finanzjarja disponibbli għall-perjodu ta' investigazzjoni, kif ipprovduti mill-kumpanija u vverifikati fuq il-post.

3.10.3.   Eżenzjoni tat-taxxa fuq l-użu tal-art

(529)

Organizzazzjoni jew individwu li jużaw art fi bliet, fi bliet ta' kontea u fi bliet amministrattivi u f'distretti industrijali u tal-minjieri normalment għandhom iħallsu taxxa għall-użu ta' art urbana. It-taxxa għall-użu tal-art tinġabar mill-awtoritajiet fiskali lokali fejn tintuża l-art. Madankollu, ċerti kategoriji ta' art, bħal art riklamata mill-baħar, art maħsuba biex tintuża minn istituzzjonijiet tal-gvern, organizzazzjonijiet tan-nies u unitajiet militari għall-użu tagħhom stess, art maħsuba biex tintuża mill-istituzzjonijiet iffinanzjati minn allokazzjonijiet tal-gvern mill-Ministeru tal-Finanzi, art użata minn tempji reliġjużi, parks pubbliċi u siti storiċi u xeniċi, toroq, pjazez pubbliċi, meded ta' ħaxix u art pubblika urbana oħra, huma eżentati mit-taxxa fuq l-użu tal-art.

(a)    Bażi ġuridika

(530)

Il-bażi ġuridika għal dan il-programm hija:

Ir-Regolamenti Provviżorji tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar it-Taxxa fuq il-Proprjetà Immobbli (Guo Fa [1986] Nru 90, kif emendati fl-2011); u

Ir-Regolamenti Interim tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-Amministrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli Urbana (Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina [2013] Nru 645);

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(531)

Tnejn mill-kumpaniji fil-kampjun ibbenefikaw minn ribassi jew eżenzjonijiet mill-ħlas ta' taxxi fuq l-użu tal-art mill-Uffiċċju lokali tal-Użu tal-Art, anki jekk dawn ma kinux jiffurmaw parti minn xi waħda mill-kategoriji eżentati kif stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hawn fuq.

(c)    Konklużjoni

(532)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hija sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul mitluf mill-GTĊ li jagħti benefiċċju lill-kumpaniji kkonċernati. Il-benefiċċju għar-riċevituri huwa ugwali għat-taxxa ffrankata. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku billi l-kumpaniji rċevew tnaqqis ta' taxxa minkejja li ma kienu jidħlu fl-ebda wieħed minn dawn il-kriterji oġġettivi msemmija fil-premessa (529).

(d)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(533)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju kien ikkalkulat f'termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali effettivament imħallsa matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(534)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Hankook Group ikkummenta li r-rifużjoni tat-taxxa fuq l-użu tal-art li kien irċieva ma kienx kumpensatorju, peress li kien wasal qabel il-perjodu ta' investigazzjoni. Wara analiżi ulterjuri, il-Kummissjoni aċċettat dan l-argument, peress li l-aħħar rifużjoni tat-taxxa fuq l-użu tal-art kienet ġiet reġistrata qabel il-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni f'Ġunju 2016, u peress li ma saru l-ebda ħlasijiet oħra wara dik id-data.

(535)

Barra minn hekk, il-Giti Group stqarr li t-taxxa fuq l-użu tal-art ġeneralment ma titħallasx fuq ċerti tipi ta' bini (bini residenzjali u skejjel), kif muri f'avviż dwar l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq l-użu tal-art tal-1988. Il-Kummissjoni sabet li dan l-avviż ma kienx għadu validu, peress li r-“Regolamenti Intermedji tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar it-Taxxa fuq l-Użu tal-Art Urbana”, imsemmija hawn fuq fil-premessa (530), ma għadhomx jinkludu skejjel u bini residenzjali fil-kategoriji eżentati. Għaldaqstant, din it-talba ġiet miċħuda.

(536)

Fl-aħħar nett, il-Giti Group ddikjara li tnejn mill-kumpaniji fil-grupp ħallsu t-taxxi fuq l-użu tal-art relatati mal-perjodu ta' investigazzjoni permezz ta' tpaċija ma' pagamenti preċedenti. Konsegwentement, ma kienx hemm benefiċċji għal dawn iż-żewġ kumpaniji. Il-Kummissjoni qablet ma' dawn id-dikjarazzjonijiet u emendat il-kalkoli tas-sussidju skont dan. B'riżultat ta' dan, l-ammont ta' sussidju relatat ma' din l-iskema speċifika kien ta' 0,01 % għall-Giti Group.

3.10.4.   Skontijiet jew rifużjonijiet tat-taxxa lokali

(537)

Waħda mill-kumpaniji fil-Hankook Group ibbenefikat minn rifużjoni mill-gvern lokali tat-taxxi miġbura skont ir-regolamenti nazzjonali.

(a)    Bażi ġuridika

(538)

Il-bażi ġuridika għal dan il-programm hija:

Miżuri taż-Żona ta' Żvilupp Ekonomiku Muniċipali ta' Huaian għar-Rivitalizzazzjoni tal-Politiki Preferenzjali tat-Taxxa (1996).

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(539)

Skont ftehim mal-gvern lokali, il-kumpanija kienet eliġibbli għal rifużjoni sħiħa tat-taxxa fuq id-dħul għall-ewwel sentejn mill-ewwel sena tat-taxxa korporattiva pagabbli mill-kumpanija (b'hekk sa mill-2003). Fis-snin 3 sa 5, il-kumpanija kienet eliġibbli għal tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul ta' 15 %, kif ukoll rimborż ta' 100 % tal-parti lokali tat-taxxa fuq l-introjtu mħallsa. Fis-snin 6 sa 10, il-kumpanija kienet eliġibbli għal ħlas lura ta' 75 % tal-parti lokali tat-taxxa fuq l-introjtu mħallsa. Mis-sena 11'il quddiem, il-kumpanija kienet eliġibbli għal rimborż ta' 50 % tal-parti lokali tat-taxxa fuq l-introjtu mħallsa.

(540)

Il-kumpanija spjegat li l-gvern biddel il-politika tiegħu matul is-snin u għalhekk, il-kumpanija kienet eliġibbli biss għal dan it-tip ta' rifużjonijiet u ta' rati preferenzjali sal-2012 biss. Ir-rifużjoni eliġibbli li kienet għadha ma tħallsitx sal-2012, ġiet imwiegħda li titħallas fil-futur meta l-baġit tal-gvern lokali jippermettilha. B'riżultat ta' dan, il-kumpanija xorta bbenefikat minn rimborż matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(c)    Konklużjoni

(541)

Il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni mit-taxxa inkwistjoni hija sussidju skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku minħabba li hemm kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul irrinunzjat mill-GTĊ li tagħti benefiċċju lill-kumpanija kkonċernata. Il-benefiċċju għar-riċevitur huwa ugwali għall-iffrankar fiskali. Dan is-sussidju huwa speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-kumpanija rċeviet tnaqqis tat-taxxa lokali speċifikament maħsub għaliha, li ma kienx disponibbli għal kumpaniji oħra.

(542)

Filwaqt li l-Kummissjoni ma rat l-ebda evidenza li l-programm kien għadu operattiv matul il-perjodu ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet, abbażi tal-informazzjoni mill-kumpaniji fil-kampjun, li huma xorta kisbu benefiċċji skont dan il-programm.

(543)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-kumpanija tenniet id-dikjarazzjoni tagħha li kienet eliġibbli biss għar-rifużjonijiet sal-2012. Madankollu, ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li setgħet tibdel il-konklużjoni tal-Kummissjoni.

(d)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(544)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju kien ikkalkulat f'termini tal-benefiċċju mogħti lir-riċevituri matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Dan il-benefiċċju ġie kkalkulat bħala d-differenza bejn it-taxxa totali pagabbli skont ir-rata normali tat-taxxa u t-taxxa totali effettivament imħallsa matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(545)

L-ammont ta' sussidju relatat ma' din l-iskema speċifika kien ta' 0,13 % għall-Hankook Group.

3.10.5.   Total għall-programmi u l-iskemi kollha ta' tnaqqis u eżenzjoni mit-taxxa diretta

(546)

L-ammont ta' sussidju totali stabbilit fir-rigward tal-iskemi kollha ta' taxxa diretta matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Eżenzjonijiet u tnaqqis mit-taxxa diretta

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

0,12 %

Giti Group

0,04 %

Hankook Group

0,13 %

Xingyuan Group

0 %

3.11.   Programmi tat-Taxxa Indiretta u tat-Tariffi tal-Importazzjoni

3.11.1.   Eżenzjonijiet mill-VAT u tnaqqis tat-tariffa tal-importazzjoni għall-użu ta' tagħmir u teknoloġija importati;

(547)

Dan il-programm jipprovdi eżenzjoni mill-VAT u mit-tariffi tal-importazzjoni għal importazzjonijiet ta' tagħmir kapitali użat fil-produzzjoni tagħhom. Biex jibbenefika mill-eżenzjoni, it-tagħmir ma jistax ikun jaqa' taħt lista ta' tagħmir mhux eliġibbli u l-impriża li titlob l-eżenzjoni trid tikseb Ċertifikat ta' Proġett Inċentivat mill-Istat maħruġ mill-awtoritajiet Ċiniżi jew mill-NDRC skont il-leġiżlazzjoni relevanti dwar l-investiment, it-taxxa u d-dwana.

(a)    Bażi ġuridika

(548)

Il-bażijiet ġuridiċi ta' dan il-programm huma:

Ċirkulari tal-Kunsill tal-Istat dwar l-Aġġustament dwar il-Politiki Fiskali dwar Tagħmir Importat, Guo Fa [1997] Nru 37;

Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana u l-Amministrazzjoni Statali tat-Tassazzjoni dwar l-Aġġustament ta' Ċerti Politiki Preferenzjali dwar id-Dazju fuq l-Importazzjoni;

Avviż tal-Ministeru tal-Finanzi, tal-Amministrazzjoni Doganali Ġenerali u tal-Amministrazzjoni tal-Istat għat-Tassazzjoni [2008] Nru 43;

Avviż tal-NDRC dwar il-kwistjonijiet rilevanti li jikkonċernaw l-Immaniġġjar tal-Ittra ta' konferma dwar Proġetti Domestiċi jew b'Finanzjament Barrani inċentivati mill-Istat sabiex jiġu żviluppati, [2006] Nru 316; u

Il-Katalogu dwar il-Prodotti importati li ma jistgħux jiġu eżentati mid-dazju kemm għall-FIEs kif ukoll għall-intrapriżi domestiċi, 2008.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(549)

Tagħmir li jiġi importat sabiex jiġu żviluppati proġetti ta' investiment domestiċi u barranin skont il-politika ta' inċentivar ta' proġetti ta' investiment domestiċi u barranin jista' jiġi eżentat mill-ħlas tal-VAT u/jew tad-dazju tal-importazzjoni, sakemm il-kategorija tat-tagħmir ma tkunx imniżżla fil-katalogu ta' oġġetti li ma jistgħux jiġu eżentati mid-dazju. Biex tibbenefika minn din l-eżenzjoni, jeħtieġ li l-kumpanija tikseb ittra ta' konferma mill-awtorità lokali responsabbli għall-proġett, li jeħtieġ li jkun sottomess lill-awtorità doganali lokali.

(550)

Il-GTĊ sostna li b'effett mill-1 ta' Jannar 2009, id-dazju tal-importazzjoni biss kien eżentat u nġabret il-VAT fuq l-importazzjoni ta' tagħmir għall-użu personali.

(551)

Madankollu, matul il-perjodu ta' investigazzjoni ġew identifikati eżenzjonijiet kemm tal-VAT kif ukoll tad-dazju tal-importazzjoni fil-kumpaniji fil-kampjun. Dawn kienu jinkludu eżenzjonijiet għal tagħmir importat fis-snin preċedenti, iżda li għalih il-benefiċċju ġie ammortizzat matul il-ħajja ta' dak it-tagħmir u għalhekk kien parzjalment allokat għall-perjodu ta' investigazzjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni ma rat ebda evidenza li din l-eżenzjoni kienet qed topera matul il-perjodu ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet abbażi tal-evidenza fil-fajl dwar il-kumpaniji fil-kampjun li l-kumpaniji fil-kampjun għadhom qed jieħdu l-benefiċċji skont dan il-programm.

(552)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, Pirelli sabet li l-kalkolu li jikkonċerna l-benefiċċji minn magni u tagħmir importati ma kienx korrett. Il-Kummissjoni qablet mal-korrezzjonijiet mogħtija, u adattat il-kalkolu skont dan.

(c)    Konklużjoni

(553)

Dan il-programm jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta' dħul mitluf mill-GTĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(ii) minħabba li l-FIEs u intrapriżi domestiċi eliġibbli oħrajn huma eżentati mill-ħlas tal-VAT u/jew ta' tariffi li kieku kienu jkunu dovuti. Jagħti wkoll benefiċċju lill-kumpaniji benefiċjarji fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(554)

Il-programm huwa speċifiku fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku. Il-leġiżlazzjoni li abbażi tagħha topera l-awtorità awtorizzanti tillimita l-aċċess tagħha għal intrapriżi li jinvestu f'kategoriji kummerċjali speċifiċi definiti b'mod eżawrjenti mil-liġi u li jappartjenu jew għall-kategorija inċentivata jew inkella għall-kategorija ristretta B fil-Catalogue for the guidance of industries for foreign investment and technology transfer (Katalogu għall-gwida tal-industriji għall-investiment barrani u t-trasferiment tat-teknoloġija) jew dawk li huma konformi mal-Catalogue of key industries, products and technologies the development of which is encouraged by the State (Katalogu tal-industriji, tal-prodotti u tat-teknoloġiji ewlenin li l-iżvilupp tagħhom huwa inċentivat mill-Istat). Barra minn hekk, ma hemm l-ebda kriterji oġġettivi li jillimitaw l-eliġibbiltà għal dan il-programm u ma hemm l-ebda evidenza konklużiva sabiex wieħed jiddeduċi li l-eliġibbiltà hija awtomatika skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku.

(d)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(555)

L-ammont ta' sussidju kumpensatorju jiġi kkalkolat f'termini tal-benefiċċju mogħti lill-benefiċjarji, li nstab li jeżisti tul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-benefiċċju mogħti lir-riċevituri jitqies li huwa l-ammont ta' VAT u dazji eżentati fuq tagħmir importat. Sabiex jiġi żgurat li l-ammont kumpensabbli kopra biss il-perjodu ta' investigazzjoni, il-benefiċċju riċevut ġie ammortizzat fuq il-ħajja utli tat-tagħmir skont il-proċeduri kontabilistiċi normali tal-kumpanija.

(556)

Il-kumpaniji kollha fil-kampjun ibbenefikaw minn tnaqqis skont din l-iskema. L-ammont ta' sussidju stabbilit għal din l-iskema speċifika varja minn 0,04 % sa 0,13 %.

3.11.2.   Skema ta' ħlas lura tad-dazju ta' importazzjoni għax-xiri ta' lastiku naturali

(557)

Il-Kummissjoni nnutat li l-kumpaniji kollha fil-kampjun kienu ġew kwalifikati bħala hekk-imsejħa “intrapriżi kummerċjali tal-ipproċessar”. Skont l-Artikolu 3 tal-Miżuri tad-Dwana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għas-Superviżjoni tal-Merkanzija tan-Negozju tal-Ipproċessar (90), “it-terminu ‘negozju tal-ipproċessar’ għandu jirreferi għal attivitajiet tan-negozju fejn l-impriża operazzjonali timporta l-materja prima jew awżiljari, parts u komponenti, partijiet komponenti u materjali ta' imballaġġ kollha jew parti minnhom, u tesporta mill-ġdid il-prodotti lesti wara l-ipproċessar jew l-assemblaġġ, inkluż l-ipproċessar ta' materja fornuta u impurtata.” Minbarra dan, l-Artikolu 5 jgħid ukoll li “Fejn it-taxxi jinġabru matul l-importazzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti, id-dwana għandha tnaqqas it-taxxi miġbura skont l-ammont ivverifikat tal-merkanzija realment ipproċessata u esportata mill-ġdid wara l-esportazzjoni tal-merkanzija lesta.

(a)    Bażi ġuridika

Il-Liġi tad-Dwana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, l-Ordni tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Nru 81, l-4 ta' Novembru 2017;

Miżuri tad-Dwana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għas-Superviżjoni ta' Merkanzija tan-Negozju tal-Ipproċessar, Ordni tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Nru. 235, l-20 ta' Diċembru 2017;

Miżuri tad-Dwana tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Amministrazzjoni tal-Konsum għal kull Unità fin-Negozju tal-Ipproċessar, l-Ordni tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Nru. 218, it-13 ta' Marzu 2014;

Miżuri Amministrattivi preliminari dwar il-Ġestjoni tal-Affidabilità Kreditizja tal-Intrapriżi, l-Ordni tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana Nru.225, l-4 ta' Settembru 2014.

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(558)

Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li l-kumpaniji kollha fil-kampjun kienu rreġistrati mad-dwana għall-iskema tan-negozju tal-ipproċessar imsemmija fil-premessa (557) hawn fuq, u li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Miżuri Doganali tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għas-Superviżjoni tal-Merkanzija tal-Ipproċessar, kollha kienu rċevew rinunzji ta' “taxxi miġbura matul l-importazzjoni” (jiġifieri dazji tal-importazzjoni) fuq importazzjonijiet ta' lastiku naturali użati fil-produzzjoni ta' tajers esportati.

(559)

Dan l-arranġament jikkorrispondi ma' skema ta' rifużjoni tad-dazju kif deskritta fl-Anness I(i) tar-Regolament bażiku. Skont il-punt (i) tal-Anness I, is-sistemi ta' rtirar ta' sostituzzjoni jistgħu jikkostitwixxu sussidju fuq l-esportazzjoni sa fejn jirriżultaw f'irtirar li jeċċedi l-imposti tal-importazzjoni li nġabru inizjalment minn fuq l-inputs importati li għalihom ikun qed jintalab l-irtirar.

(560)

Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali remissjoni żejda kinitx teżisti, skont l-Anness III, il-punt II tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand il-GTĊ dwar l-iskema ta' kummerċ tal-ipproċessar b'mod ġenerali, u b'mod aktar speċifiku dwar l-eżistenza u l-applikazzjoni effettiva tal-proċeduri ta' monitoraġġ u verifika li jakkumpanjaw.

(561)

Abbażi tal-informazzjoni riċevuta, il-GTĊ tabilħaqq poġġa qafas leġiżlattiv fis-seħħ għall-monitoraġġ tas-sistema tan-negozju tal-ipproċessar. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat ukoll li xi karatteristiċi inkorporati fis-sistema jistgħu potenzjalment iwasslu għal irtirar eċċessiv:

B'mod predominanti, is-sistema hija bbażata fuq awtodikjarazzjonijiet mill-kumpaniji.

Għall-kuntrarju tal-prattika ġeneralment aċċettata, id-dazji fuq l-importazzjoni jiġu rrinunzjati bil-quddiem. L-awtoritajiet doganali jżommu biss id-dritt li jitolbuhom lura wara.

L-intensità tal-kontrolli mwettqa fuq il-kumpaniji hija bbażata fuq l-attribuzzjoni ta' punteġġ ta' kreditu, li huwa stess huwa primarjament ibbażat fuq awtodikjarazzjoni, u jinkludi punti addizzjonali għal min ikun parti minn industrija inċentivata.

Id-dikjarazzjonijiet doganali huma bbażati fuq rati standard tal-konsum stabbiliti mill-awtoritajiet doganali. Ir-rata standard tal-konsum tal-lastiku naturali għal kull tajer esportat kienet ferm ogħla mir-rata attwali ta' konsum ivverifikata fuq il-post tal-kumpaniji fil-kampjun.

(562)

Barra minn hekk, matul iż-żjarat ta' verifika fil-kumpaniji fil-kampjun, deher li dan il-qafas ma ġiex effettivament applikat fil-prattika. Pereżempju, il-Kummissjoni sabet li kuntrarju għal dak li ġie ddikjarat fil-leġiżlazzjoni, il-lastiku naturali destinat għal tajers esportati ma kienx separat minn lastiku naturali ieħor fl-imħażen, u li ma kien sar ebda awditjar regolari fuq il-post fil-bini tal-kumpaniji fil-kampjun.

(563)

Barra minn hekk, il-kumpaniji importaw l-hekk imsejjaħ lastiku mħallat bil-kodiċi HS 40028000 (b'rata tariffarja ta' 0 %). Dan il-kodiċi HS normalment jenħtieġ li jintuża għal lastiku kompost, jiġifieri taħlita ta' lastiku naturali u sintetiku, iżda magħmula b'mod predominanti minn lastiku sintetiku. Fir-realtà, il-lastiku mħallat importat mill-kumpaniji fil-kampjun kien fiha 97,5 % lastiku naturali, kellha l-istess karatteristiċi fiżiċi bħal-lastiku naturali, u ntużat bl-istess mod u fl-istess proporzjonijiet bħal-lastiku naturali fil-proċess ta' produzzjoni tal-kumpaniji verifikati.

(564)

B'riżultat ta' dan, tlieta minn erba' gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun ma ħallsux id-dazji tal-importazzjoni kollha li kellhom ikunu dovuti.

(c)    Konklużjoni

(565)

F'konformità mal-Anness III tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni nnotifikat lill-GTĊ f'dokument separat bit-tranżazzjonijiet individwali eżaminati matul l-investigazzjoni, sabiex il-GTĊ ikun jista' jwettaq kwalunkwe inkjesta addizzjonali li jqis li tkun meħtieġa. Fit-tweġiba tiegħu għall-ittra tal-Kummissjoni, il-GTĊ argumenta li l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt II (3) tal-Anness III tar-Regolament AS bażiku ma ġewx issodisfati, peress li l-Gvern Ċiniż għandu fis-seħħ qafas leġiżlattiv strett biex jimmonitorja t-tranżazzjonijiet attwali fuq l-importazzjonijiet ta' lastiku naturali. Il-GTĊ irrefera wkoll għall-fatt li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprevedi sanzjonijiet u obbligazzjonijiet legali f'każ ta' ksur. Barra minn hekk, id-dwana għandha riżorsi umani suffiċjenti biex timplimenta r-reġim fuq livell lokali u timplimenta penali. Fl-aħħar nett, jekk ikun hemm sejbiet ta' kuntrabandu u irregolaritajiet, il-kumpanija tinżel 'l isfel fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha.

(566)

Kif imsemmi fil-premessa (561) hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-GTĊ implimentat qafas leġiżlattiv għall-monitoraġġ tas-sistema tal-kummerċ tal-ipproċessar. Madankollu, il-Kummissjoni sabet ukoll, kif imsemmi fil-premessi (561) sa (562) hawn fuq, li l-qafas leġiżlattiv wera xi dgħufijiet u li ma kienx effettivament applikat fil-prattika fir-rigward tal-kumpaniji fil-kampjun. Il-GTĊ ma ppreżenta l-ebda evidenza li tikkontradixxi s-sejbiet tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, u ma inkluda l-ebda informazzjoni ġdida relatata mat-tranżazzjonijiet speċifiċi nnotifikati mill-Kummissjoni.

(567)

B'hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sistema ta' monitoraġġ tal-GTĊ għall-ipproċessar tal-kummerċ ma ġietx applikata b'mod effettiv f'dak li għandu x'jaqsam mal-lastiku naturali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeterminat li s-sistema tan-negozju tal-ipproċessar għal-lastiku naturali użata f'tajers esportati wasslet għal eċċess ta' remissjonijiet, li jikkostitwixxu sussidju kumpensatorju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) (ii) tar-Regolament bażiku, peress li jirriżultaw f'irtirar eċċessiv tal-imposti tal-importazzjoni imposti inizjalment fuq l-inputs importati li għalihom tkun qed tintalab rifużjoni.

(568)

Dawn ir-remissjonijiet żejda huma speċifiċi wkoll, minħabba li huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(569)

Wara d-divulgazzjoni finali l-GTĊ u l-Giti Group ssottomettew kummenti f'dan ir-rigward. Il-GTĊ tenna d-dikjarazzjoni preċedenti tiegħu li huwa għandu qafas legali strett fis-seħħ li huwa infurzat kif suppost u li l-Kummissjoni ma tistax tasal għall-konklużjoni tagħha fuq il-bażi ta' ftit każijiet iżolati fejn il-kumpaniji ma rrispettawx il-liġijiet li jirregolaw l-iskema tal-kummerċ tal-ipproċessar. Bi tweġiba għal dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tenniet li l-fatti ma jissostanzjawx il-pretensjoni tal-GTĊ li kien hemm biss ftit każijiet iżolati fejn il-produtturi esportaturi ma rrispettawx il-leġiżlazzjoni applikabbli. Tabilħaqq, kif iddikjarat fil-premessa (562), il-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun li użaw din l-iskema ma ħallsux uħud mid-dazji tal-importazzjoni li kienu dovuti. Il-GTĊ naqas ukoll milli jwettaq eżami ulterjuri tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. Għalhekk il-Kummissjoni rrifjutat din il-pretensjoni.

(570)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Giti Group ddikjara li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tiegħu billi inkludiet l-iskema ta' rifużjoni tad-dazju fi stadju daqshekk avvanzat tal-investigazzjoni u ma kellha l-ebda kompetenza biex tinvestiga l-iskema peress li ma kinitx koperta min-Notifika ta' Bidu.

(571)

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li l-Kummissjoni kisret id-dritt ta' difiża tal-produttur esportatur, il-Kummissjoni osservat li n-Notifika ta' Bidu ppermettiet li tiġi investigata l-iskema tar-rifużjoni tad-dazju billi t-taqsima 3 tagħha speċifikament irreferiet għal rifużjonijiet tat-tariffa tal-importazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà infurmat lill-partijiet interessati li kienet qed tinvestiga din l-iskema fit-Taqsima 3.13.3 tad-Dokument ta' Informazzjoni. Għalhekk, il-pretensjoni li l-Kummissjoni ma rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tal-Giti Group ġiet miċħuda.

(572)

Barra minn hekk, il-Giti Group sostna li l-importazzjonijiet ta' lastiku mħallat jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal rifużjoni tad-dazju peress li d-dazju tal-importazzjoni regolari għal prodott bħal dan huwa żero. Barra minn hekk, huwa ddikjara li huwa jtella' regolarment data ta' importazzjoni, proporzjonijiet ta' konsum u kwantitajiet esportati fuq pjattaforma tal-Internet li hija ssorveljata b'mod kostanti mid-dwana u d-dwana twettaq verifiki fuq il-post.

(573)

Bħala tweġiba għal dawn l-argumenti l-Kummissjoni nnutat dan li ġej. Il-Kummissjoni aċċettat il-pretensjoni li r-rata tad-dazju għal lastiku mħallat hija żero u għalhekk ma tistax tkun soġġetta għal irtirar tad-dazju. Għaldaqstant, il-kalkolu tar-remissjoni ta' eċċess li joriġina minn din l-iskema ġie rivedut għall-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun ikkonċernati. L-ammonti tas-sussidju finali huma stabbiliti fil-premessa (580) hawn taħt.

(574)

Rigward is-sistema ta' monitoraġġ tal-awtoritajiet doganali, il-Kummissjoni ma kkontestatx li l-Giti Group kien fil-fatt tella' ċerta informazzjoni fuq il-pjattaforma tal-Internet dwar l-importazzjonijiet u l-użu tal-lastiku naturali. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (561) hawn fuq, dawn huma essenzjalment awtodikjarazzjonijiet. Madankollu, minn 11-il produttur esportatur li ġew ivverifikati mill-Kummissjoni, produttur wieħed biss fil-Giti Group kellu kontroll fuq il-post fil-bini tiegħu. Barra minn hekk, din il-verifika kienet tikkonsisti biss minn rikonċiljazzjoni sempliċi ta' stokkijiet. Il-Kummissjoni kkunsidrat li tali kontroll mhuwiex biżżejjed biex tiġi żgurata verifika effettiva u għalhekk ma laqgħetx din il-pretensjoni.

(d)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(575)

Il-benefiċċju kien ikkalkulat bħala d-differenza bejn l-ammont ta' dazji ta' importazzjoni dovuti matul il-PI, u l-ammont attwali ta' dazji fuq l-importazzjoni mħallsa matul il-PI. Fin-nuqqas ta' disponibbiltà tal-proporzjon tal-konsum reali ta' lastiku naturali għal kull tip differenti ta' tajer, il-Kummissjoni assumiet li 1) il-proporzjon tal-konsum medju għat-tipi kollha ta' tajers huwa l-istess u 2) il-lastiku naturali importat kollu jintuża bħala prijorità għat-tajers esportati qabel ma jintuża għat-tajers domestiċi. Imbagħad, l-ewwel stabbiliet il-kwantità ta' lastiku naturali impurtat matul il-perjodu ta' investigazzjoni. It-tieni, ikkalkulat il-proporzjon bejn il-volum tal-bejgħ tal-esportazzjoni meta mqabbel mal-volum totali tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat. It-tielet, il-Kummissjoni applikat dan il-proporzjon ta' bejgħ ta' esportazzjoni għall-volum totali ta' lastiku naturali impurtat u stabbiliet il-kwantità ta' lastiku naturali impurtat li għalih id-dazji tal-importazzjoni jistgħu jiġu rinunzjati. Wara dan, sabiex tistabbilixxi l-ammont ta' benefiċċju, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont ta' dazju tal-importazzjoni pagabbli għall-kwantitajiet ta' lastiku naturali użat għall-produzzjoni tat-tajers għas-suq domestiku u minn dan l-ammont, hija naqqset l-ammont ta' dazju tal-importazzjoni effettivament imħallas.

(576)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-Giti Group saħaq li l-Kummissjoni kellha tuża l-proporzjon attwali tagħha tal-konsum għall-kalkolu tal-benefiċċju peress li ġabret din l-informazzjoni waqt iż-żjara ta' verifika fuq il-post. Bl-użu tal-metodoloġija deskritta hawn fuq, il-Kummissjoni kienet injorat il-fatt li l-lastiku naturali huwa wkoll użat fil-produzzjoni ta' tajers oħra u li dawn it-tajers għandhom proporzjonijiet ta' konsum differenti.

(577)

Il-Kummissjoni aċċettat parzjalment il-pretensjoni tal-Giti Group. Għal GITI Yinchuan u GITI Hualin il-Kummissjoni użat il-proporzjon tal-konsum kif irrapportat fil-liċenzja tal-importazzjoni tagħhom. Madankollu, għaż-żewġ kumpaniji l-oħra tal-Giti Group li bbenefikaw ukoll minn din l-iskema, il-proporzjonijiet attwali tal-konsum ma kinux disponibbli matul iż-żjara ta' verifika fuq il-post. Għalhekk, il-Kummissjoni użat il-proporzjon tal-konsum medju ponderat ta' GITI Yinchuan u ta' GITI Hualin. Il-kalkolu tal-ammont tal-benefiċċju ġie rivedut skont dan.

(578)

L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi l-oħra fil-kampjun ma ssottometta l-proporzjonijiet attwali tal-konsum tiegħu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li r-riżultati tal-metodoloġija differenti użati kienu simili ħafna. Tabilħaqq, l-ammont ta' sussidju stabbilit bil-metodoloġija oriġinali tal-Kummissjoni kien ta' 3,62 % u billi ntuża l-proporzjon reali tal-konsum tagħhom, l-ammont tas-sussidju stabbilit huwa ta' 3,64 %. Dan ir-riżultat wera li l-metodoloġija oriġinali tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ammont tas-sussidju kienet ukoll solida. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm bżonn li tinbidel il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ammont ta' sussidju fir-rigward tal-produttur esportatur l-ieħor fil-kampjun.

(579)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' dan it-tip ta' sussidji matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Ħlas lura ta' dazju tal-importazzjoni fuq lastiku naturali

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

1,10 %

Giti Group

3,64 %

Xingyuan Group

1,25 %

3.11.3.   Total għall-iskemi kollha ta' tnaqqis jew eżenzjoni mit-taxxa indiretta

(580)

L-ammont ta' sussidju totali stabbilit fir-rigward tal-iskemi kollha tat-taxxa u tat-tariffi tal-importazzjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Eżenzjonijiet u tnaqqis tat-taxxi diretti

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

1,21 %

Giti Group

3,74 %

Hankook Group

0,13 %

Xingyuan Group

1,30 %

3.12.   Programmi ta' għotjiet

3.12.1.   Għotjiet għall-iffrankar tal-enerġija, għall-konservazzjoni u l-emissjonijiet

(581)

Tlieta minn kull erba' kumpaniji fil-kampjun ibbenefikaw minn varjetà ta' għotjiet relatati mal-ħarsien ambjentali u mat-tnaqqis tal-emissjonijiet, bħal pereżempju l-inċentivi għall-Ħarsien tal-Ambjent u l-Konservazzjoni tar-Riżorsi, il-Promozzjoni tal-użu ta' riżorsi sinerġistiċi, Fondi ta' inċentiv għal proġetti ta' konservazzjoni tal-enerġija, il-Promozzjoni ta' Ċentri ta' Dimostrazzjoni tal-Ġestjoni tal-Enerġija, għotjiet relatati ma' Proġetti ta' Titjib tat-Tniġġis tal-Arja, inċentivi għal proġetti b'ekonomija ċirkolari.

(a)    Bażi ġuridika

Il-liġi tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar il-Konservazzjoni tal-Enerġija, il-verżjoni riveduta u adottata fit-28 ta' Ottubru 2007, u l-verżjoni emendata fit-2 ta' Lulju 2016;

Liġi dwar il-Promozzjoni ta' produzzjoni aktar nadifa tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, Ordni Nru 54 tal-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif emendata fid-29 ta' Frar 2012;

Miżuri dwar l-Ispezzjoni tal-Produzzjoni Nadifa, id-Digriet Nru 38 tal-NDRC u l-Ministeru tal-Protezzjoni Ambjentali, promulgati fl-1 ta' Lulju 2016;

Avviż dwar l-Istampar u t-Tqassim tal-Miżuri Interim dwar l-Amministrazzjoni tas-Sussidju tal-Iffrankar tal-Enerġija u tat-Tnaqqis fl-Emissjonijiet, il-Ministeru tal-Finanzi [2015] Nru 161;

Il-punti Ewlenin tal-Konservazzjoni tal-Enerġija u l-Utilizzazzjoni Komprensiva fl-Industrija fl-2015, maħruġa mill-MIIT fit-3 ta' April 2015;

Pjan ta' Implimentazzjoni għat-Trasformazzjoni u t-Titjib tal-Industrija tat-Tajers tal-Provinċja ta' Shandong maħruġ mill-Uffiċċju tal-Gvern Provinċjali ta' Shandong fit-22 ta' Ottubru 2014;

Fil-livell lokali: Avviż dwar l-allokazzjoni tal-Pjan tal-Fond Speċjali għall-Ħarsien Ambjentali ta' Jaozuo tal-2016; Avviż dwar l-allokazzjoni tal-Fond Speċjali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Arja 2013, HeCaiZhiJian [2013] 702; u

Avviż dwar l-allokazzjoni tal-fond ta' proġett taċ-ċentru dwar ġestjoni tal-enerġija tal-intrapriżi industrijali 2014, il-Ministeru tal-Finanzi, CaiJian [2013] 470.

(b)    Konklużjoni

(582)

Il-programm ta' ffrankar tal-enerġija, tal-konservazzjoni u tal-emissjonijiet jikkonferixxi sussidji skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri trasferiment ta' fondi mill-GTĊ, fil-forma ta' għotjiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat.

(583)

Il-Kummissjoni sabet ukoll li dan il-programm ta' sussidju huwa speċifiku fit-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku minħabba li huma biss il-kumpaniji li joperaw f'teknoloġiji ewlenin jew fil-produzzjoni ta' prodotti ewlenin kif elenkat fil-linji gwida u fil-katalogi li jiġu ppubblikati fuq bażi regolari li huma eliġibbli sabiex jirċevuhom. B'mod partikolari, id-dokument MIIT tal-2015 isemmi speċifikament l-industrija tal-kimika bħala industrija għal inċentivi speċifiċi relatati mal-konservazzjoni tal-enerġija.

(584)

Barra minn hekk, il-Politika tal-Industrija tat-Tajers tinkoraġġixxi “l-iżvilupp ta' tajers li jiffrankaw l-enerġija (…)” u tajers “ta' protezzjoni ambjentali”. Skont il-Pjan ta' Implimentazzjoni għat-Trasformazzjoni u t-Titjib tal-Industrija tat-Tajers tal-Provinċja ta' Shandong (91), wieħed mill-għanijiet ewlenin għall-industrija tat-tajers f'Shandong huwa l-konservazzjoni tal-enerġija u t-tnaqqis fl-emissjonijiet. F'dan ir-rigward, irid jingħata appoġġ fir-rigward tal-investiment, il-kreditu u t-taxxi assoċjati mal-produzzjoni u l-applikazzjoni tal-hekk imsejħa tajers “ekoloġiċi” (jiġifieri li ma jagħmlux dannu lill-ambjent) (92).

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(585)

Il-benefiċċju kien ikkalkulat bħala l-ammont riċevut matul il-perjodu ta' investigazzjoni, jew allokat għall-perjodu ta' investigazzjoni, fejn l-ammont ġie deprezzat matul il-ħajja utli tal-assi fiss li kienet relatata miegħu l-għotja. Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk tapplikax rata ta' imgħax kummerċjali annwali addizzjonali skont it-taqsima F.a) tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ammont tas-sussidju (93). Madankollu, approċċ bħal dan kien jinvolvi varjetà ta' fatturi ipotetiċi kumplessi li għalihom ma kien hemm ebda informazzjoni preċiża disponibbli. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li kien aktar xieraq li talloka ammonti għall-perjodu ta' investigazzjoni skont ir-rati ta' deprezzament tal-assi fissi relatati, f'konformità mal-metodoloġija ta' kalkolu użata f'każijiet preċedenti (94).

(586)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' dan it-tip ta' sussidji matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Għotjiet għall-konservazzjoni u għall-konservazzjoni tal-enerġija

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

0,02 %

Giti Group

0,04 %

Xingyuan Group

0,01 %

3.12.2.   Għotjiet relatati ma' titjib teknoloġiku, rinnovazzjoni jew trasformazzjoni

(587)

Il-kumpaniji fil-kampjun ibbenefikaw minn varjetà ta' għotjiet skont dan il-programm relatati ma' R&Ż, titjib teknoloġiku u innovazzjoni, bħal pereżempju l-promozzjoni ta' ħidma ta' R&Ż skont il-Pjanijiet ta' Appoġġ għax-Xjenza u t-Teknoloġija, il-promozzjoni ta' investimenti għal Aġġustament, Rivitalizzazzjoni u Rinnovazzjoni tat-Teknoloġija Ewlenin, eċċ.

(a)    Bażi ġuridika

It-13-il Pjan ta' Ħames Snin dwar l-Innovazzjoni Teknoloġika;

L-opinjonijiet ta' Gwida dwar il-Promozzjoni tar-Rinnovazzjoni tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi, il-Kunsill tal-Istat, Guo Fa [2012] 44;

Il-pjan ta' Ħidma tar-Rivitalizzazzjoni tal-Industrija u t-Tiġdid tat-Teknoloġija, maħruġ minn NDRC u MIIT, 2015;

Programm fuq Terminu Medju sa Twil dwar l-Iżvilupp Teknoloġiku u Xjentifiku (2006-2020) ippromulgat mill-Kunsill tal-Istat fl-2006;

Miżuri Amministrattivi għall-Pjan Nazzjonali ta' Appoġġ għax-Xjenza u t-Teknoloġija kif rivedut fl-2011; u

Fil-livell lokali/provinċjali: avviżi dwar l-allokazzjoni ta' fondi speċjali għar-rinnovazzjoni teknika, fondi speċjali għar-rivitalizzazzjoni industrijali, fondi speċjali għat-trasformazzjoni teknika, fondi speċjali għall-iżvilupp industrijali.

(b)    Konklużjoni

(588)

Skont l-Opinjonijiet ta' Gwida dwar il-Promozzjoni ta' Rinnovazzjoni tat-Teknoloġija tal-Intrapriżi (fi 3.2), il-gvernijiet ċentrali u lokali huma mitluba biex iżidu aktar l-ammont ta' appoġġ finanzjarju u jżidu l-investiment b'enfasi fuq it-trasformazzjoni industrijali u t-titjib f'oqsma ewlenin u l-kwistjonijiet kritiċi tar-rinnovazzjoni tat-teknoloġija. Barra minn hekk, l-awtoritajiet jenħtieġ li kontinwament jinnovaw u jtejbu l-metodi tal-ġestjoni tal-fondi, iwettqu b'mod flessibbli diversi tipi ta' appoġġ u jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-fondi fiskali.

(589)

Il-pjan ta' Ħidma ta' Rivitalizzazzjoni u Teknoloġija tal-Industrija jimplimenta l-Opinjonijiet ta' Gwida fil-prattika msemmija hawn fuq billi jistabbilixxi fondi speċjali għall-promozzjoni tal-progress teknoloġiku u l-proġetti ta' trasformazzjoni teknoloġika. Dawn il-fondi jinkludu sussidji fuq l-investiment u skontijiet fuq is-self. L-użu tal-fondi jrid ikun skont il-politiki makroekonomiċi nazzjonali, il-politiki industrijali u l-politiki ta' żvilupp reġjonali.

(590)

L-għotjiet ipprovduti taħt dan il-programm jagħtu sussidji fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(i) u tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri trasferiment ta' fondi mill-GTĊ fil-forma ta' għotjiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat.

(591)

Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li dawn is-sussidji huma speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament bażiku għaliex huma biss il-kumpaniji li joperaw f'oqsma jew teknoloġiji ewlenin kif elenkati fil-linji gwida, miżuri amministrattivi u katalgi li huma ppubblikati fuq bażi regolari li huma eliġibbli biex jirċevuhom. Is-settur tat-tajers u/jew tal-(petro)kimika huma elenkati fost is-setturi eliġibbli.

(c)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(592)

Il-benefiċċju ġie kkalkolat f'konformità mal-metodoloġija deskritta fil-premessa (585) hawn fuq.

(593)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' dan it-tip ta' sussidji matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Għotjiet ta' titjib, rinnovament jew trasformazzjoni teknoloġika

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

0,03 %

Giti Group

0,15 %

Hankook Group

0,05 %

3.12.3.   Sussidji ad hoc mogħtija mill-awtoritajiet muniċipali/provinċjali;

(594)

Fl-ilment tiegħu, l-ilmentatur ipprovda evidenza li wriet li l-industrija tat-tajers fir-RPĊ tista' tirċievi diversi għotjiet ta' darba jew rikorrenti minn livelli differenti ta' awtoritajiet tal-gvern, jiġifieri lokali, reġjonali u nazzjonali.

(595)

L-investigazzjoni wriet li l-erba' gruppi ta' kumpaniji fil-kampjun irċevew għotjiet ta' darba jew rikorrenti sinifikanti minn diversi livelli tal-gvern li wasslu biex ġew riċevuti benefiċċji matul il-perjodu ta' investigazzjoni. Uħud minn dawn kienu diġà ġew irrapportati mill-kumpaniji fil-kampjun fit-tweġibiet rispettivi tagħhom għall-kwestjonarju, filwaqt li oħrajn instabu fuq il-post matul iż-żjarat ta' verifika. L-ebda waħda minnhom ma ġiet divulgata fit-tweġiba għall-kwestjonarju tal-GTĊ.

(a)    Bażi ġuridika

(596)

Dawn l-għotjiet ingħataw lill-kumpaniji minn awtoritajiet tal-gvern nazzjonali, provinċjali, tal-belt, tal-kontea jew tad-distrett u kollha dehru li kienu speċifiċi għall-kumpaniji fil-kampjun, jew speċifiċi f'termini ta' lokalità jew tip ta' industrija. Il-livell ta' dettall ġuridiku għal-liġi eżatta li abbażi tagħha ngħataw dawn il-benefiċċji, jekk fil-fatt kien hemm bażi ġuridika għalihom, ma kienx divulgat. Madankollu, il-Kummissjoni xi kultant ingħatat kopja ta' dokument maħruġ minn awtorità governattiva li kien jakkumpanja l-għoti ta' fondi (imsejjaħ “l-avviż”).

(b)    Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(597)

Minħabba l-ammont kbir ta' għotjiet li jinsabu fl-ilment u/jew li jinsabu fil-kotba tal-kumpaniji fil-kampjun, f'dan id-dokument ta' informazzjoni huwa ppreżentat biss sommarju tas-sejbiet ewlenin. Evidenza tal-eżistenza ta' diversi għotjiet u l-fatt li kienu ngħataw minn livelli varji tal-GTĊ inizjalment kienet ipprovduta mill-erba' kumpaniji inklużi fil-kampjun, u sejbiet dettaljati dwar dawn l-għotjiet huma pprovduti lill-kumpaniji individwali fid-dokumenti ta' divulgazzjoni speċifiċi tagħhom.

(598)

Eżempji ta' dawn l-għotjiet kienu fondi ta' privattivi, fondi u għotjiet għax-xjenza u t-teknoloġija, fondi għall-iżvilupp tan-negozju, fondi għall-promozzjoni tal-esportazzjoni, għotjiet għall-infrastruttura bażika, għotjiet għall-produzzjoni industrijali jew għall-investiment industrijali, għotjiet ta' sikurezza tal-produzzjoni, fondi ta' appoġġ ipprovduti fil-livell distrettwali jew provinċjali, skontijiet ta' imgħax fuq self għal tagħmir importat.

(c)    Konklużjoni

(599)

Dawn l-għotjiet jikkostitwixxu sussidji fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(a) (i) u (2) tar-Regolament bażiku minħabba li kien seħħ trasferiment ta' fondi mill-GTĊ fil-forma ta' għotjiet lill-produtturi tal-prodott ikkonċernat u b'hekk kien ingħata benefiċċju.

(600)

Dawn l-għotjiet huma wkoll speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikoli 4(2)(a) u 4(3) tar-Regolament bażiku minħabba li jidhru li huma limitati għal ċerti kumpaniji jew proġetti speċifiċi f'reġjuni speċifiċi u/jew l-industrija tat-tajers. Barra minn hekk, uħud mill-għotjiet huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4)(a). Dawn l-għotjiet ma ssodisfawx ir-rekwiżiti ta' nuqqas ta' speċifiċità tal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament bażiku, minħabba li l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-kriterji tal-għażla attwali għall-intrapriżi biex ikunu eliġibbli mhumiex trasparenti, mhumiex oġġettivi u ma japplikawx awtomatikament.

(601)

F'kull każ il-kumpaniji pprovdew informazzjoni dwar l-ammont tal-għotja u mingħand min ġiet din l-għotja. Il-kumpaniji kkonċernati rreġistraw dan l-introjtu l-aktar taħt it-titolu “introjtu mis-sussidju” fil-kontijiet tagħhom u raw li dawn il-kontijiet isirilhom awditu indipendenti. Dan ittieħed bħala evidenza pożittiva ta' sussidju li ta benefiċċju kumpensabbli.

(602)

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-konklużjonijiet ivverifikati matul il-verifiki fuq il-post kienu jirrappreżentaw indikatur raġonevoli tal-livell ta' sussidjar f'dan ir-rigward. Billi dawk l-għotjiet għandhom karatteristiċi komuni, ingħataw minn awtorità pubblika u ma kinux parti minn programm ta' sussidju separat, iżda għotjiet individwali lil din l-industrija inċentivata, il-Kummissjoni vvalutathom flimkien.

(603)

Il-Hankook Group ikkummenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tistabbilixxi kumpens għall-għotjiet riċevuti mis-sussidjarja downstream Shanghai Hankook Tire Sales Ltd. (“SHT”), peress li din tal-aħħar ma kinitx involuta fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni nnutat li l-attivitajiet ta' SHT jinkludu inter alia negozjati għall-akkwist ta' materja prima, u li hi għandha rwol kruċjali fis-sistema tal-aggregazzjoni tal-flus likwidi li minnha qed jibbenefikaw il-produtturi esportaturi tal-Grupp. Għalhekk, hemm rabta ċara mal-prodott ikkonċernat, u b'riżultat ta' dan, l-għotjiet li rċeviet SHT huma kumpensatorji.

(604)

Wara d-divulgazzjoni finali, iċ-China National Tire Group sostna li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovdiet id-data sors għal għotja speċifika waħda relatata mal-produttur esportatur Yellow Sea. Fil-fatt, id-data inkwistjoni ġiet inkluża fid-divulgazzjoni speċifika, iżda ġiet inkluża fil-worksheets għal-LUR minflok mal-għotjiet, peress li l-għotja kienet ingħatat fir-rigward tad-dispożizzjoni minn biċċa art. Madankollu, l-ammont tas-sussidju kien ġie miżjud b'mod korrett mal-għotjiet tal-kumpanija. Iċ-China National Tire Group saħaq ukoll li l-Kummissjoni użat il-fatturat ħażin għall-kalkolu tal-għotja. Madankollu, il-Kummissjoni sostniet li ntuża l-fatturat korrett, peress li l-għotja kellha x'taqsam speċifikament mal-kumpanija Qingdao Yellow Sea Rubber Co. Ltd. Għaldaqstant, dawn il-pretensjoniji ġew miċħuda.

(d)    Il-kalkolu tal-ammont tas-sussidju

(605)

Il-benefiċċju ġie kkalkulat f'konformità mal-metodoloġija deskritta fil-premessa (585) hawn fuq.

(606)

L-ammont ta' sussidju stabbilit fir-rigward ta' dan it-tip ta' sussidju matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kien kif ġej:

Għotjiet ad hoc

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

1,46 %

Giti Group

0,18 %

Hankook Group

0,01 %

Xingyuan Group

0,05 %

3.12.4.   Għotjiet oħrajn

(607)

Il-produtturi esportaturi fil-kampjun ma rċivew ebda kontribuzzjoni finanzjarja mill-programmi ta' għotjiet li baqa' msemmija fit-taqsima 3.3(iii) ta' hawn fuq matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

3.12.5.   Total għall-għotjiet kollha

(608)

L-ammonti totali ta' sussidju stabbiliti fir-rigward tal-għotjiet kollha matul il-perjodu ta' investigazzjoni għall-produtturi esportaturi fil-kampjun kienu kif ġej:

Għotjiet

Kumpanija/Grupp

Ammont tas-Sussidju

China National Tire Group

1,51 %

Giti Group

0,37 %

Hankook Group

0,06 %

Xingyuan Group

0,06 %

3.13.   Konklużjoni dwar is-sussidjar

(609)

Il-Kummissjoni kkalkulat l-ammont ta' sussidji kumpensabbli skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għall-kumpaniji fil-kampjun billi eżaminat kull sussidju jew programm ta' sussidju, u żiedet dawn iċ-ċifri flimkien biex tikkalkula ammont totali ta' sussidjar għal kull produttur esportatur għall-perjodu ta' investigazzjoni. Bil-għan li tikkalkula s-sussidjar globali ta' hawn taħt, il-Kummissjoni l-ewwel ikkalkulat il-perċentwal tas-sussidjar, li huwa l-ammont tas-sussidju bħala perċentwal tal-fatturat totali tal-kumpanija. Dan il-perċentwal imbagħad intuża għall-kalkolu tas-sussidju allokat lill-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Imbagħad ġie kkalkolat l-ammont ta' sussidju għal kull tunnellata ta' prodott ikkonċernat esportat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni, u l-marġnijiet ta' hawn taħt ikkalkolati bħala perċentwal tal-valur tal-Ispejjeż, l-Assigurazzjoni u l-Merkanzija (“CIF”) tal-istess esportazzjonijiet għal kull tunnellata.

(610)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Giti Group ma qabilx mal-metodoloġija tal-allokazzjoni għal xi kumpaniji li ma jipproduċux jew ma jbigħux il-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni qablet parzjalment mal-argumenti mressqa, u adattat il-kalkolu tal-ammont ta' sussidju għall-grupp skont dan.

(611)

Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammont ta' sussidju totali għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kien ikkalkulat fuq il-bażi tal-ammont medju ponderat totali ta' sussidji kumpensatorji stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkooperaw bl-esklużjoni ta' ammonti negliġibbli kif ukoll l-ammont ta' sussidji stabbiliti għal entrati li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, il-Kummissjoni ma injoratx is-sejbiet relatati mas-self preferenzjali, anki jekk kellha toqgħod parzjalment fuq il-fatti disponibbli biex tiddetermina dawk l-ammonti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li l-fatti disponibbli u użati f'dawk il-każijiet ma affettwawx sostanzjalment l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi ddeterminat l-ammont ta' sussidjar permezz tas-self preferenzjali b'mod ġust, sabiex l-esportaturi li ma kinux intalbu jikkooperaw fl-investigazzjoni ma jiġux ippreġudikati bl-użu ta' dan l-approċċ (95).

(612)

Minħabba r-rata għolja ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fil-livell tal-ogħla ammont stabbilit għall-kumpaniji fil-kampjun. L-ammont għall-“kumpaniji l-oħra kollha” kien applikat għal dawk il-kumpaniji li ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

L-isem tal-kumpanija

L-ammont ta' sussidji kumpensabbli

China National Tire Group

32,85 %

Giti Group

7,74 %

Hankook Group

2,06 %

Xingyuan Group

51,08 %

Kumpaniji oħra li kkooperaw

18,01 %

Il-kumpaniji l-oħra kollha

51,08 %

4.   DANNU

4.1.   Id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(613)

Il-prodott simili kien manifatturat minn aktar minn 380 produttur fl-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn il-produtturi jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku.

(614)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ġiet stabbilita għal madwar 21,7 miljun tajer. Il-Kummissjoni stabbilixxiet iċ-ċifra tal-produzzjoni totali tal-Unjoni abbażi tad-data miksuba matul l-investigazzjoni. Kif indikat fil-premessa (30), 10 produtturi tal-Unjoni fil-kampjun finali jirrappreżentaw aktar minn 36 % tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Unjoni rrapportati mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw tal-prodott simili. Għalhekk, l-indikaturi mikroekonomiċi ġew eżaminati fuq il-bażi tad-data miksuba mit-tweġibiet ta' dawk l-10 produtturi tal-Unjoni.

(615)

Il-produzzjoni tal-Unjoni hija frammentata bejn gruppi kbar ta' kumpaniji u aktar minn 380 SME fl-Unjoni kollha. Kumpaniji kbar jammontaw għal madwar 90 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni u madwar 87 % tal-bejgħ tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni. L-SMEs huma involuti fil-produzzjoni ta' tajers miksija mill-ġdid u jkopru l10 % li jifdal tal-produzzjoni tal-Unjoni u madwar 13 % tal-bejgħ tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni (Jekk jogħġbok irreferi għat-Tabella 5 - Is-sehem tal-bejgħ tal-SMEs fil-bejgħ totali tal-Unjoni).

(616)

Il-produtturi fil-kampjun instabu li jimportaw u jbigħu mill-ġdid il-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni mir-RPĊ. Madankollu, meta mqabbel mal-bejgħ globali tagħhom, l-importazzjonijiet għadhom marġinali u ma jaffettwawx il-kwalifika tagħhom bħala produtturi tal-Unjoni.

(617)

Kif deskritt fil-premessi (613) sa (615), il-prodott simili kien manifatturat minn aktar minn 380 produttur fl-Unjoni, li jipproduċu kemm tajers ġodda kif ukoll oħrajn b'wiċċ ġdid. Flimkien, dawn kienu definiti bħala l-industrija tal-Unjoni.

(618)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-produtturi ta' wċuħ ġodda, kemm jekk joperaw skont arranġamenti ta' ħlasijiet għall-użu tat-triq jew le, ma jistgħux jagħmlu parti mill-industrija tal-Unjoni. Huma qiesu li l-produzzjoni ta' wċuħ ġodda hija suq tas-servizzi ta' wara l-bejgħ li ma jistax jiġi protett minn miżuri ta' kontra s-sussidju peress li l-produtturi ta' wċuħ ġodda jieħdu tajer eżistenti li hu parzjalment użat u jipproċessawh mill-ġdid sabiex ikun jista' jintuża. Barra minn hekk, il-produtturi ta' wċuħ ġodda li jaħdmu fuq bażi ta' noll ma jistgħux ikunu s-sidien tal-kejsing. Il-klijenti jżommu s-sjieda tal-kejsing waqt li tkun qed issir manutenzjoni tagħha u jiġi applikat wiċċ ġdid lil tajer użat qabel ma jintbagħat lura lis-sid.

(619)

Wara d-divulgazzjoni finali, is-CRIA u s-CCCMC tennew il-pretensjonijiet tagħhom li l-produzzjoni ta' wċuħ ġodda hija servizz u qiesu li l-kunċetti ta' produttur u ta' fornitur tas-servizzi huma reċiprokament esklussivi.

(620)

Il-Kummissjoni nnutat li l-industrija tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda tipprovdi t-tieni ħajja (jew aktar, għaliex l-istess kejsing jista' jingħata wiċċ ġdid diversi drabi) lil kejsing li joriġina minn tajer użat. Tajer użat ma jibqax sikur biex jintuża fi triq pubblika u ma jistax jitpoġġa lura fiċ-ċirkolazzjoni. Mingħajr il-proċess ta' produzzjoni ta' wċuħ ġodda, id-destin ta' tajer użat huwa li jintemm f'munzell tar-ruttam; għalkemm parti mit-tajer użat tista' tiġi pirolizzata biex tipproduċi fjuwil derivat mi-tajers. Kif deskritt fil-premessa (81), il-produzzjoni ta' wċuħ ġodda hija proċess ta' riċiklaġġ fejn tajer użat jiġi rinnovat permezz ta' sostituzzjoni tal-wiċċ fuq kejsing antik. Għalhekk, il-produzzjoni ta' wċuħ ġodda mhijiex biss servizz, iżda proċess ta' produzzjoni. Irrispettivament mill-arranġamenti ta' sjieda, il-produtturi ta' wċuħ ġodda huma produtturi tal-Unjoni li l-proċess ta' produzzjoni tagħhom jibda minn kejsing u li qed jipproduċu tajer.

(621)

Barra minn hekk, iċ-ċiklu tal-ħajja ta' tajers użati jispiċċa b'wieħed minn żewġ modi. Dawn jew jintremew bħala skart jew jintużaw bħala għata tajba biex jingħataw wiċċ ġdid. Jekk jitqiesu bħala skart, is-sid tat-tajer użat jista' jkollu jħallas miżata biex jarmi t-tajer użat. Fit-tieni xenarju, it-tajer użat isir sors ta' dħul. Il-produtturi ta' wċuħ ġodda jistgħu jixtru t-tajer użat minn garaxx ta' servizz jew jagħtu wiċċ ġdid lit-tajer użat bi ftehim ta' noll. Il-produtturi tal-uċuħ ġodda kollha verifikati jużaw żewġ sorsi ta' provvista (jiġifieri l-kejsings mill-istokk jew il-ftehim ta' noll) biex jipproduċu t-tajers. Il-prezz tax-xiri ta' tajer użat kien bħala medja madwar 10 % tal-ispiża totali tal-produzzjoni ta' tajer mogħti wiċċ ġdid. Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza fl-ispejjeż ta' produzzjoni jew fil-valur miżjud bejn iż-żewġ modi ta' għoti ta' wċuħ ġodda lill-kejsings, ma kinitx sinifikanti, u kkunsidrathom bħala żewġ mudelli ta' negozju differenti ta' produzzjoni ta' wċuħ ġodda. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi ta' wċuħ ġodda kienu parti mill-industrija tal-Unjoni peress li jipproduċu l-prodott ikkonċernat.

(622)

B'riżultat ta' dan, intużat id-data pprovduta mill-produtturi ta' wċuħ ġodda u vverifikata mill-Kummissjoni (inklużi l-ispejjeż attwali u l-prezzijiet tal-bejgħ) għall-istabbiliment tal-indikaturi tad-dannu u għall-kalkolu tal-marġni ta' dannu.

4.2.   Il-konsum tal-Unjoni

(623)

Kif imsemmi fil-premessa (50), il-Kummissjoni wettqet żjarat ta' verifika fil-bini ta' żewġ importaturi mhux relatati. Instab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ġew iddikjarati wkoll matul il-perjodu kkunsidrat taħt il-kodiċi NM 4011 90 00 u 4011 99 00. Dawn l-importazzjonijiet kienu jikkonċernaw tajers tal-livell 3. Madankollu, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit jekk kienx hemm problema sistemika bid-dikjarazzjoni tal-prodott ikkonċernat, jew jekk il-kwistjoni kinitx limitata għal dan l-importatur partikolari.

(624)

Barra minn hekk, il-volum totali rrapportat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw fil-perjodu ta' investigazzjoni qabeż it-total tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina pprovdut mill-Eurostat Comext. Madankollu, peress li ma hemm l-ebda data rrappurtata minn dawn il-produtturi esportaturi fir-rigward tas-snin preċedenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li ssegwi approċċ konservattiv u li ma tirrevedix il-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ.

(625)

Sussegwentement instab li l-bejgħ tal-fornituri tad-disinji li ma kinux membri tal-ETRMA Europool kien tħalla barra meta kien qed jiġi stabbilit b'mod provviżorju l-konsum tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni rrevediet il-konsum tal-Unjoni għall-perjodu kkunsidrat.

(626)

B'riżultat ta' dan, il-konsum rivedut tal-Unjoni (96) żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni (f'unitajiet)  (97)

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Konsum totali tal-Unjoni

20 499 603

20 962 782

21 600 223

21 748 781

Indiċi 2014 = 100

100

102,3

105,4

106,1

Sors: ETRMA u fornituri tal-uċuħ li mhumiex membri tal-ETRMA Europool.

(627)

Għaldaqstant, il-konsum tal-Unjoni żdied matul il-perjodu kkunsidrat. Matul il-perjodu kkunsidrat il-konsum żdied b'6,1 %, minn madwar 20,5 miljun tajer fl-2014 għal madwar 21,7 miljun tajer fil-perjodu ta' investigazzjoni.

4.3.   L-isfond rigward is-suq tal-Unjoni

4.3.1.   Deskrizzjoni ġenerali

(628)

Is-suq tal-Unjoni għat-trakkijiet u t-tajers tal-karozzi tal-linja huwa suq kompetittiv ħafna, b'diversi produtturi u marki.

(629)

Is-suq tal-Unjoni huwa maqsum bejn il-bejgħ tat-tagħmir oriġinali lil manifatturi tat-trakkijiet jew tal-karozzi tal-linja u s-suq ta' sostituzzjoni. Id-domanda tas-suq għat-trakkijiet u t-tajers tal-karozzi tal-linja fis-settur tat-tagħmir oriġinali hija xprunata mill-produzzjoni tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja filwaqt li s-settur tas-suq ta' wara l-bejgħ huwa influwenzat minn ħafna fatturi, fosthom l-attività ekonomika, il-bejgħ, id-daqs, il-kompożizzjoni u l-użu tat-trakkijiet jew tal-linja u tal-flotot fis-servizz. Il-bejgħ tal-importazzjonijiet Ċiniżi huwa kkonċentrat l-aktar fis-suq ta' sostituzzjoni.

(630)

Madwar 17 % tal-konsum totali tal-Unjoni huwa tagħmir oriġinali mibjugħ lil trakkijiet u lil manifatturi tal-karozzi tal-linja. Il-bqija tal-bejgħ ta' trakkijiet u ta' tajers tal-karozzi tal-linja fl-Unjoni jinbiegħ bħala tajers ta' sostituzzjoni direttament jew indirettament lit-trakkijiet jew lis-sidien tal-karozzi tal-linja. It-tajers ta' sostituzzjoni jkopru firxa usa' ta' tajers u jinbiegħu permezz ta' varjetà usa' ta' kanali bi strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni differenti. Tajers ta' sostituzzjoni jistgħu jinbiegħu direttament lill-utenti aħħarin jew permezz ta' distributuri relatati jew mhux relatati li mbagħad jerġgħu jinbiegħu lill-utenti aħħarin.

(631)

Il-kanali ewlenin tal-bejgħ huma l-bejgħ lil distributuri li jerġgħu jbigħuhom lis-sidien tal-flotot xi kultant flimkien ma' servizzi (kontroll, manutenzjoni, servizzi).

(632)

L-immarkar jinfluwenza wkoll il-prezz li l-klijenti jkunu lesti li jħallsu għal tajers tat-trakkijiet u tal-karozzi tal-linja. Il-marki kummerċjali huma ta' spiss marbuta ma' kwalità u servizz perċepiti, u dawn huwa aktar il-każ għal tajers ta' kwalità ogħla.

4.3.2.   Interkonnessjoni bejn tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid

(633)

Il-Kummissjoni ddeterminat li l-produtturi ewlenin tal-Unjoni kienu kkonċentrati fuq il-livelli 1 u 2, fejn it-tajers kienu maħsuba biex ikollhom ċiklu ta' ħajja twil u jkunu jistgħu jingħataw wiċċ ġdid. Dan jiġġustifika prezzijiet (u marġini ta' profitt) sostanzjalment ogħla għal prestazzjonijiet għoljin mistennija għat-tajers tal-livelli 1 u 2.

(634)

Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li l-produtturi l-kbar tal-Unjoni attivament jikkumerċjalizzaw il-possibilità li t-tajers tagħhom ikunu jistgħu jingħataw wiċċ ġdid bħala mezz biex tinħoloq lealtà lejn marka kummerċjali u biex jiddistingwu ruħhom minn importazzjonijiet bi prezz aktar baxx tat-tajers tal-livell 3. Bħala tali, l-investigazzjoni wriet li parti kbira mill-valur attribwit lit-tajers tal-livelli 1 u 2 joriġinaw, fil-fatt, mill-eżistenza tal-industrija tal-uċuh ġodda ta' livell 3.

(635)

Madankollu, l-interskambjalità għolja ta' tajers b'wiċċ ġdid u dawk ġodda tagħmel ukoll il-livell 3 l-aktar vulnerabbli għal importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet baxxi tal-prodott ikkonċernat. Dan huwa minnu b'mod partikolari meta wieħed iqis li l-utenti huma konxji li, mill-aspett tal-prestazzjoni, it-tajers ġodda ta' kwalità baxxa u dawk b'wiċċ ġdid mhumiex distingwibbli b'mod sinifikanti. Dik l-interkambjabbiltà min-naħa tagħha, tistabbilixxi l-prezz bħala l-fattur determinanti fid-deċiżjoni tal-klijent li jixtri tajer b'wiċċ ġdid jew tajer tal-livell 3 ġdid.

(636)

Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar il-valutazzjoni preliminari u jipprovdu informazzjoni li tappoġġa jew tikkontradixxi dik l-analiżi sabiex tintlaħaq stampa kemm jista' jkun sħiħa fl-istadju finali ta' din l-investigazzjoni.

(637)

Għadd ta' partijiet interessati kkontestaw l-interkonnessjoni bejn tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid u bejn il-livelli. Il-Kummissjoni ġabret l-informazzjoni kollha dwar din il-kwistjoni f'nota għall-fajl dwar l-interkonnessjoni (98).

(638)

Rigward il-premessa (634), il-CRIA u s-CCCMC sostnew li ma kien hemm l-ebda attribuzzjoni ta' valur lil tajers tal-livelli 1 u 2 mill-eżistenza tal-industrija tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda.

(639)

L-informazzjoni dwar l-importanza tan-negozju tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda hija mifruxa sew u disponibbli pubblikament. Kif imsemmi fil-premessa (90), il-produtturi ta' tajers ġodda qed jipproduċu wkoll tajers b'wiċċ ġdid. Xi produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom il-marki tagħhom stess għal tajers b'wiċċ ġdid bħal Hankook Alphatread jew Giti Genesis. Kif spjegat fin-nota għall-fajl dwar l-interkonnessjoni, il-Kummissjoni sabet li l-produtturi ewlenin tat-tajers, inklużi l-produtturi esportaturi Ċiniżi, kienu involuti fin-negozju tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda. Il-Hankook Group jiddependi fuq produtturi ta' wċuħ ġodda tal-Unjoni bħal Vacu-Lug fir-Renju Unit jew B.R.P. Pneumatici fl-Italja għall-attivitajiet ta' produzzjoni ta' wċuħ ġodda tiegħu. Giti Genesis, li qabel kienet magħrufa bħala GT Ree Tread tiddependi fuq Vaku-Lug fir-Renju Unit.

(640)

Barra minn hekk, Pirelli Italy ddikjarat fl-2009 dwar kuntratt iffirmat ma' Marangoni (fornitur tal-Unjoni ta' soluzzjonijiet ta' wċuħ ġodda), li dan il-proġett, li huwa parti mill-istrateġija ta' tisħiħ u tkabbir tal-provvista ta' servizzi minn Pirelli Truck, għandu l-għan li jżid il-valur b'mod partikolari għall-prodotti ġodda fis-Serje 88 u s-Serje 01, imnedija fis-suq Ewropew fl-2009, ikkaratterizzati, fost kwalitajiet oħrajn, mill-idoneità għolja tagħhom għall-produzzjoni ta' wċuħ ġodda (99). Produtturi oħra qegħdin ukoll jikkummerċjalizzaw il-fatt li t-tajers tagħhom jistgħu jingħataw wiċċ ġdid, pereżempju l-importatur tal-marka Athos li jipprovdi li t-tajers Athos huma adattabbli u adattati għal għoti ta' wiċċ ġdid bil-proċess kiesaħ jew sħun kif ukoll il-marka Aeolus (100) (it-tnejn irrappurtati li huma tal-livell 3). Dan juri li l-possibiltà li jingħata wiċċ ġdid hija fattur ta' valur sinifikanti kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-pajjiż ikkonċernat. Tabilħaqq, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni wriet li l-produtturi tal-“livelli ta' fuq” jiddependu ħafna fuq l-eżistenza u d-disponibbilità ta' industrija tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda mhux biss biex joħolqu perċezzjoni tas-suq ta' valur għoli, iżda wkoll għall-istrateġiji tagħhom tal-konsumatur u tal-kontinwità tan-negozju. Kif turi wkoll in-nota għall-fajl dwar l-interkonnessjoni, il-produzzjoni ta' wċuħ ġodda hija meqjusa mill-industrija tal-produzzjoni fl-Unjoni u l-pajjiż ikkonċernat bħala aktar minn sempliċi assi ta' kummerċjalizzazzjoni, iżda fattur ta' valur reali għal-livelli ta' fuq. Għalhekk, il-valur u l-prezz tal-bejgħ tal-livelli ta' fuq huma marbuta b'mod indissolubbli ma' industrija tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda “downstream” sana. Huwa għal dawk ir-raġunijiet li l-Kummissjoni, fil-premessa (634), iddikjarat li “valur kbir attribwit lit-tajers tal-livell 1 u l-livell 2 joriġina, fil-fatt, mill-eżistenza ta' industrija tal-produzzjoni ta' wċuħ ġodda fil-livell 3”.

(641)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet inizjali tagħha dwar l-interkonnessjoni bejn tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid u bejn il-livelli.

(642)

Rigward il-premessa (635), is-CRIA u l-CCCMC kienu tal-fehma li l-Kummissjoni ma wrietx is-sors tal-interkambjabbiltà għolja ta' tajers b'wiċċ ġdid li, min-naħa tagħha, stabbiliet il-prezz bħala fattur determinanti fid-deċiżjoni tal-klijent li jixtri tajers b'wiċċ ġdid jew tajers ġodda tal-livell 3.

(643)

Il-Kummissjoni aċċettat din il-pretensjoni. Għaldaqstant, fin-nota tagħha għall-fajl dwar l-interkonnessjoni, hija wriet eżempji ta' tajers ta' livelli differenti li għandhom kanali tal-bejgħ komuni.

4.4.   L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

4.4.1.   Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(644)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tal-Eurostat.

(645)

L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat u s-sehem mis-suq, abbażi tal-kalkolu tal-konsum rivedut tal-Unjoni skont il-premessa (626), żviluppaw kif ġej:

Tabella 2

Il-volum tal-importazzjonijiet (f'unitajiet) u s-sehem mis-suq

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ (f'unitajiet)

3 471 997

3 840 290

4 420 368

4 596 098

Indiċi 2014 = 100

100

110,6

127,3

132,4

Sehem mis-suq

16,9 %

18,3 %

20,5 %

21,1 %

Indiċi 2014 = 100

100

108,2

120,8

124,8

Sors: Eurostat Comext

(646)

Fuq il-bażi tal-Eurostat, il-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ żdiedu b' 32 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn madwar 3,5 miljun tajer fl-2014 għal madwar 4,6 miljun tajer fil-perjodu ta' investigazzjoni. Dan irriżulta f'żieda tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi, f'suq li qed jikber, minn 16,9 % għal 21,1 %.

(647)

Il-China National Tire Group and Pirelli sostnew li l-Kummissjoni missha qieset għall-analiżi tagħha ż-żieda fil-konsum tal-Unjoni u kellha tipprovdi analiżi separata għat-tliet livelli. Il-partijiet iddikjaraw li, b'referenza għal-livell 1 u l-livell 2, l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu bi 2,7 % u b'2 % rispettivament, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-livell 3 żdiedu b'3,9 % mill-2015 u l-2016. Bħala konklużjoni, huma sostnew li kull żieda allegata fl-importazzjonijiet (f'termini assoluti jew relattivi) matul il-perjodu ta' investigazzjoni ma kinitx sostanzjali u ma kinitx ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(648)

Kif spjegat fil-premessa (697), is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ġiet analizzata fuq bażi aggregata, u din inkludiet l-analiżi tal-importazzjonijiet. L-analiżi addizzjonali fil-livell tal-livelli differenti twettqet biss f'ċerti indikaturi mikroekonomiċi ewlenin, minħabba s-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni. Il-volumi ta' importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ żdiedu. Fuq il-bażi tal-istatistika dwar l-importazzjoni mill-Eurostat Comext (li kif spjegat fil-premessi (623) u (624) tista' tkun sottovalutata), din iż-żieda fil-volum ta' importazzjonijiet mir-RPĊ kienet sostanzjali, kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini relattivi.

4.4.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(649)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tal-Eurostat. It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet kien stabbilit fuq il-bażi tal-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun.

(650)

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Il-prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/unità)

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

IR-RPĊ

144,4

144,3

127,7

128,8

Indiċi 2014 = 100

100

99,9

88,4

89,1

Sors: Eurostat Comext

(651)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni naqsu b'11 %.

(652)

Iċ-China National Tire Group u Pirelli sostnew li l-analiżi tal-Kummissjoni ma għandhiex referenza għas-segmentazzjoni tas-suq u tirrapporta biss ċifri tal-Eurostat, mingħajr ebda referenza għaċ-ċifri ta' importazzjoni miġbura mill-produtturi esportaturi fil-kampjun.

(653)

Kif spjegat fil-premessa (697), is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ġiet analizzata fuq bażi aggregata u, f'ċerti indikaturi mikroekonomiċi ewlenin, ġiet analizzata wkoll fil-livell tal-livelli differenti minħabba s-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni. Madankollu, fil-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet mill-produtturi esportaturi fil-kampjun kienu tabilħaqq imqabbla mal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni filwaqt li tqies il-livell speċifiku li kienu jiffurmaw parti minnu.

(654)

Iċ-China National Tire Group u Pirelli sostnew ukoll li l-prezzijiet tal-importazzjoni kienu affettwati b'mod sinifikanti mill-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju. Il-Kummissjoni naqset milli tara r-rilevanza tar-rata tal-kambju tal-muniti peress li l-prezzijiet kollha użati għall-finijiet ta' tqabbil fil-kalkolu tal-marġini ta' dannu huma denominati f'EURO. Għalhekk, iċ-ċaqliq bejn il-USD u l-EUR ma kellux sehem fid-determinazzjoni jew tat-twaqqigħ tal-prezz jew tal-livell tal-miżuri. Għaldaqstant, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(655)

Xi partijiet interessati (Pirelli, il-Giti Group) iddikjaraw skont Eurostat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi (relatati l-aktar ma' tajers tal-livell 3) naqsu matul l-aħħar tliet snin minħabba tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima (b'EUR 15,6 għal kull oġġett). Il-partijiet iddikjaraw li l-prezzijiet tal-materja prima (il-lastiku naturali u ż-żejt) naqsu b'mod sinifikanti, b'impatt konsistenti fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(656)

L-evoluzzjoni tal-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat mal-evoluzzjoni tal-prezzijiet ewlenin tal-materja prima żviluppaw kif ġej:

Tabella 4

L-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-importazzjoni u tal-materja prima ewlenija

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Il-prezz tal-importazzjoni tar-RPĊ (EUR/unità)

144,4

144,3

127,7

128,8

Indiċi 2014 = 100

100

100

88

89

Lastiku naturali:

SGX RSS3 USD/tunnellata

1 957

1 560

1 641

2 050

Indiċi 2014 = 100

100

80

84

105

SGX TSR20 USD/tunnellata

1 710

1 370

1 378

1 660

Indiċi 2014 = 100

100

80

81

97

Butadjen US ċenteżmi kull lb

59,0

34,0

37,2

62,5

Indiċi 2014 = 100

100

58

63

106

Indikatur Brent USD kull barmil

99,7

53,4

43,6

49,6

Indiċi 2014 = 100

100

54

44

50

Sors: Eurostat Comext u l-Ilment

(657)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma rriflettewx l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima. Filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu stabbli bejn l-2014 u l-2015, il-prezz tal-materja prima ewlenija naqas b'mod sinifikanti b'20 % għal-lastiku naturali u b'madwar 45 % għall-indikaturi tal-butadjen u l-Brent. Filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu bi 12 % bejn l-2015 u l-2016, il-prezzijiet tal-materja prima baqgħu pjuttost stabbli. Fl-aħħar nett, għall-perjodu 2016 u l-perjodu ta' investigazzjoni fejn il-biċċa l-kbira tal-prezzijiet tal-materja prima żdiedu b'mod sinifikanti mit-tieni kwart tal-2016 sal-ewwel kwart tal-2017, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi baqgħu stabbli. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi ġew skonnessi mill-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima. Għaldaqstant, din it-talba ma ntlaqgħetx.

4.4.3.   It-twaqqigħ tal-prezz

(658)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta' investigazzjoni billi pparagunat:

(1)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott u segment tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun mitluba lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għall-livell tal-prezz mill-fabbrika; u

(2)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta' prodott u segment tal-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta' kost, assigurazzjoni, merkanzija (CIF), b'aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta' wara l-importazzjoni.

(659)

It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta' tip b'tip għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta' kummerċ, aġġustati kif dovut fejn meħtieġ, u wara t-tnaqqis tar-rifużjonijiet u l-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil kien espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Hija wriet marġni ta' twaqqigħ b'medja ponderata ta' bejn 18 % u 24 % mill-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-marġini tat-twaqqigħ medju ponderat fit-tliet livelli instab li kien sinifikanti: bejn 18 % u 20 % għal-livell 1 u bejn 22 % u 24 % għal-livell 2 u l-livell 3. Il-livell sostanzjali ta' twaqqigħ juri l-effett qawwi tal-importazzjonijiet sussidjati f'dan il-każ.

(660)

Bosta partijiet interessati sostnew li l-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz jenħtieġ li jiġu stabbiliti b'analoġija mal-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping fuq il-bażi ta' tqabbil ta' prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta' prodott u segment tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun miżmuma lill-klijenti mhux relatati b'medja ponderata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni kollha komparabbli. Wara d-divulgazzjoni finali, diversi partijiet tennew talbiet simili. Barra minn hekk, is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li taġġusta l-prezzijiet Ċiniżi 'l fuq jew il-prezzijiet tal-Unjoni għal tajers b'wiċċ ġdid'l isfel biex tiżgura li l-prezzijiet imqabbla jirriflettu kilometraġġ simili u għal servizzi ta' wara l-bejgħ u ta' garanzija pprovduti mill-produtturi tal-Unjoni li jbigħu tajers b'uċuħ ġodda, b'mod partikolari għal-livell 3 peress li l-produtturi Ċiniżi ma kinux jipprovdu dawn is-servizzi. Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet tennew talbiet simili.

(661)

Kif spjegat fil-premessi (658) u (659), il-metodoloġija tat-tqabbil tat-twaqqigħ tal-prezz ikkunsidrat il-prezz tal-bejgħ medju għal kull tip ta' prodott (PCN) u għal kull segment. It-twaqqigħ tal-prezz kien ikkalkulat abbażi ta' tranżazzjonijiet komparabbli b'referenza għat-tip ta' prodott jew skont it-tip. Billi f'kull livell it-tajers huma meqjusa simili f'termini ta' kilometraġġ, ma kien meħtieġ l-ebda aġġustament ġenerali. L-istess jgħodd għal servizzi ta' garanzija, bl-eċċezzjoni tal-livell 3, fejn f'kuntrast mal-produtturi Ċiniżi, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu tabilħaqq jipprovdu servizzi ta' wara l-bejgħ u ta' garanzija. Konsegwentement, il-Kummissjoni aġġustat il-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun għas-servizzi ta' wara l-bejgħ u ta' garanzija għal-livell 3 meta meħtieġ. Il-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz ġew stabbiliti mingħajr ebda piż skont it-tifsira tal-premessa (692) hawn taħt.

(662)

Fir-rigward tal-pretensjoni dwar l-analoġija bejn il-kalkoli tad-dumping u tad-dannu, il-Kummissjoni nnutat li l-kalkoli tad-dumping tabilħaqq jeħtieġu li jitqiesu “t-tranżazzjonijiet komparabbli kollha tal-esportazzjoni” meta jiġi kkalkulat il-marġni tad-dumping għall-prodott simili kollu kemm hu (101). B'kuntrast ma' dan, “awtorità ta' investigazzjoni mhijiex meħtieġa […] li tistabbilixxi l-eżistenza ta' twaqqigħ tal-prezz għal kull wieħed mit-tipi ta' prodotti li qed jiġu investigati, jew fir-rigward tal-firxa sħiħa ta' oġġetti li jikkostitwixxu l-prodott domestiku simili. Minkejja dan, awtorità ta' investigazzjoni hija obbligata li teżamina b'mod oġġettiv l-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet domestiċi” (102). F'dan il-każ, il-Kummissjoni kienet sodisfatta bil-livell għoli ħafna ta' tqabbil bejn it-tipi ta' prodotti tal-produtturi tal-Unjoni u tal-produtturi esportaturi mibjugħin fis-suq tal-Unjoni (it-tqabbil ġenerali jvarja bejn 80 % u 90 %). Għaldaqstant, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(663)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga aktar informazzjoni dwar il-karatteristiċi fiżiċi tat-tipi ta' tajers li ntużaw għal skopijiet ta' tqabbil billi huwa probabbli ħafna li hemm differenzi li mhumiex riflessi fil-PCNs iżda li jistħoqqilhom aġġustament. Huma sostnew li huma sempliċiment ma setgħux jidentifikaw dawn id-differenzi peress li ma għandhom l-ebda informazzjoni dwar il-prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-partijiet argumentaw ukoll li r-Rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO f'KE – Qfieli (103) jappoġġa dan l-approċċ.

(664)

Il-Kummissjoni ma laqgħetx dan l-argument. Hija rrimarkat li r-Rapport tal-Korp tal-Appell imsemmi hawn fuq huwa dwar nuqqas li tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa dwar il-karatteristiċi ta' prodott partikolari, li ntuża għad-determinazzjoni tal-valur normali. Dan wassal għal sitwazzjoni li fiha l-produtturi ma kinux f'pożizzjoni li jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li jitolbu livell ta' aġġustamenti kummerċjali jew le sabiex jiżguraw paragun ġust skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku antidumping fil-kuntest tal-kalkoli tad-dumping. Madankollu, ir-rapport tal-Bord fl-istess każ iddikjara li “filwaqt li huwa ċar li r-rekwiżiti ġenerali ta' eżami oġġettiv u evidenza pożittiva tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jillimitaw id-diskrezzjoni ta' awtorità investigattiva fit-twettiq ta' analiżi ta' twaqqigħ tal-prezzijiet, dan ma jfissirx li r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-allowance dovuta għad-differenzi li jaffettwaw il-komparabilità tal-prezzijiet huma applikabbli” (104). Għalhekk, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi fdata f'dan il-każ fejn ir-RIA u s-CCCMC jagħmlu spekulazzjonijiet dwar in-nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni dwar “kwalunkwe karatteristika oħra rilevanti” u differenzi mhux riflessi fil-PCNs għall-fini ta' kalkoli ta' twaqqigħ tal-prezzijiet u ta' dannu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz b'konformità mal-metodoloġija tas-soltu tagħha li tiżgura tqabbil ġust li permezz tiegħu l-PCNs jirriflettu biżżejjed id-differenzi fiżiċi u oħrajn kollha bejn it-tipi ta' prodotti mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi esportaturi. Barra minn hekk, jekk il-produtturi esportaturi jqisu li l-prodotti tagħhom għandhom karatteristiċi speċifiċi li huma differenti mill-karatteristiċi tal-prodotti tal-Unjoni u li, fil-fehma tagħhom, ma jinqabdux mill-PCN, huma jenħtieġ li jkunu għamlu dawn it-talbiet fiż-żmien dovut, li ma kienx il-każ. Għalhekk, il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(665)

Xi partijiet interessati ddikjaraw li l-Kummissjoni ma stabbilietx twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu kollu kkunsidrat. Kalkolu dettaljat tat-twaqqigħ tal-prezzijiet sar biss għall-perjodu tal-investigazzjoni. Filwaqt li l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet Ċiniżi fil-perjodi preċedenti jistgħu jitqabblu mal-prezzijiet tal-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni, dan il-paragun huwa essenzjalment bla sens u mhux preċiż minħabba li (i) l-ebda data separata ma hija disponibbli għall-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi skont il-livell; u (ii) dawn il-prezzijiet medji ma jqisux il-possibbiltà li t-taħlita tal-prodott setgħet inbidlet matul il-perjodu.

(666)

Ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO f'iċ-Ċina – HP-SSST (UE) (105) talab li awtorità ta' investigazzjoni jkollha tivvaluta s-sinifikat tat-twaqqigħ tal-prezz mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fir-rigward tal-proporzjon tal-produzzjoni domestika li għalih ma nstab l-ebda twaqqigħ tal-prezz. Il-partijiet qiesu li l-Kummissjoni ma wettqitx din il-valutazzjoni.

(667)

Kif iddikjarat fil-premessa (658), il-Kummissjoni wettqet skont il-ġurisprudenza applikabbli l-kalkoli abbażi tad-data vverifikata għall-perjodu ta' investigazzjoni, għal kull PCN u livell. Il-kalkoli rilevanti kollha ġew divulgati lill-partijiet interessati b'rispett għad-drittijiet proċedurali tagħhom. Il-livell ġenerali tat-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta' investigazzjoni kien ta' madwar 21 %, li l-Kummissjoni tqis bħala sinifikanti. Għaldaqstant, din it-talba ma ntlaqgħetx.

(668)

Madankollu, is-CRIA u s-CCCMC, kienu tal-fehma li huwa probabbli li l-Kummissjoni sabet biss twaqqigħ tal-prezz għal subkategorija żgħira tal-bejgħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni trid tivvaluta l-pressjoni fuq il-prezzijiet, jekk ikun hemm, li tista' tiġi eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi fuq il-bqija tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li għalih hija ma sabitx twaqqigħ tal-prezzijiet.

(669)

Dik il-pretensjoni ma ntlaqgħetx minħabba li l-volum tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun li qabel mal-importazzjonijiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi huwa sinifikanti (bejn 80 % u 90 %). Barra minn hekk, il-marġini tat-twaqqigħ medju ponderat fit-tliet livelli nstab li kien sinifikanti, bejn 18 % u 24 %.

(670)

Iċ-China National Tire Group u Heuver talbu li l-prezzijiet ta' CIF Aeolus jenħtieġ li jiġu riveduti sabiex jirriflettu l-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni ta' Heuver. Pirelli sostniet li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis l-ispejjeż addizzjonali tagħha meta tqabbel it-tajers Pirelli ma' tajers oħra prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni u lill-bejjiegħa (indipendenti).

(671)

Il-Kummissjoni sabet li Heuver ma kinitx relatata maċ-China National Tire Group. Għalhekk, ma kien iġġustifikat l-ebda aġġustament. Rigward Pirelli, il-prezz medju ponderat tas-CIF ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku kif deskritt fil-premessa (118) tar-Regolament antidumping provviżorju. Kif spjegat fil-premessi (673) sa (678) hawn taħt, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li jiġi applikat l-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku b'analoġija mal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-bejgħ taħt il-prezz f'każijiet antisussidji, fid-dawl tad-Dikjarazzjoni dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim Skont il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 jew il-Parti V tal-Ftehim dwar is-SCM, li tissuġġerixxi trattament konsistenti kemm tal-każijiet anti-dumping kif ukoll ta' dawk kontra s-sussidji. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx.

(672)

Bosta partijiet iddikjaraw li l-Kummissjoni ma tistax tiddependi fuq il-prezzijiet tal-esportazzjoni mibnija meta tagħmel l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u d-determinazzjoni tal-livell tad-dannu u li l-metodoloġija użata hija kontra l-Artikolu 8(1)(a) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, il-Hankook Group sostna li jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala entità ekonomika waħda għall-kalkoli tal-marġni ta' dannu.

(673)

L-ewwel nett, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-effett tal-importazzjonijiet sussidjati li jistgħu jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni u mhux għall-prezz tal-bejgħ mill-ġdid ta' kumpanija (importatur relatat) fl-Unjoni lil klijent ieħor.

(674)

It-tieni nett, sa fejn huwa kkonċernat it-twaqqigħ tal-prezzijiet, ir-Regolament bażiku ma jipprovdi l-ebda metodoloġija speċifika dwar dawn il-kalkoli. Il-Kummissjoni għalhekk tgawdi minn marġni wiesa' ta' diskrezzjoni fil-valutazzjoni ta' dan il-fattur ta' dannu. Din id-diskrezzjoni hija limitata mill-ħtieġa li l-konklużjonijiet ikunu bbażati fuq evidenza pożittiva u li jsir eżami oġġettiv, kif mitlub mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

(675)

Fir-rigward tal-elementi kkunsidrati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet (b'mod partikolari l-prezz tal-esportazzjoni), il-Kummissjoni trid tidentifika l-ewwel punt li fih isseħħ (jew tista' sseħħ) kompetizzjoni ma' produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Dan il-punt huwa fil-fatt il-prezz tax-xiri tal-ewwel importatur mhux relatat għaliex il-kumpanija fil-prinċipju għandha l-għażla li tagħmel l-akkwist tagħha jew mill-industrija tal-Unjoni jew minn klijenti barranin. B'kuntrast, li wieħed iħares lejn il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ta' importaturi mhux relatati ma jirriflettix il-punt li fih isseħħ il-kompetizzjoni reali. Dan huwa biss il-punt fejn l-istruttura tal-bejgħ stabbilita tal-esportatur tipprova ssib klijenti iżda diġà hija wara l-punt fejn tkun ittieħdet id-deċiżjoni li ssir l-importazzjoni. Tabilħaqq, ladarba l-esportatur ikun stabbilixxa s-sistema tiegħu ta' kumpaniji relatati fl-Unjoni, huma diġà jkunu ddeċidew li s-sors tal-merkanzija tagħhom se jkun minn barra l-pajjiż. Għalhekk, il-punt ta' tqabbil jenħtieġ li jkun eżatt wara li l-oġġett jaqsam il-fruntiera tal-Unjoni, u mhux fi stadju aktar tard fil-katina tad-distribuzzjoni, pereżempju meta jinbiegħ lill-utent finali tal-prodott.

(676)

Dan l-approċċ jiżgura wkoll koerenza f'każijiet fejn produttur esportatur qed ibigħ il-prodotti direttament lil klijent mhux relatat (kemm jekk huwa importatur kif ukoll jekk huwa utent finali) minħabba li f'dan ix-xenarju, il-prezzijiet tal-bejgħ mill-ġdid ma jintużawx mid-definizzjoni. Approċċ differenti jwassal għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi esportaturi bbażata biss fuq il-kanal tal-bejgħ li jużaw. Barra minn hekk, dan l-approċċ jiżgura wkoll riżultati konsistenti f'każijiet ta' investigazzjonijiet antidumping u antisussidji paralleli.

(677)

F'dan il-każ, il-prezz tal-importazzjoni ma jistax jittieħed kif inhu minħabba li l-produttur esportatur u l-importatur huma relatati. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit prezz tal-importazzjoni affidabbli fuq bażi distakkata, dan il-prezz irid jinbena billi jintuża l-prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-importatur relatat lill-ewwel klijent indipendenti bħala l-punt ta' tluq. Sabiex titwettaq din ir-rikostruzzjoni, ir-regoli dwar il-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni kif jinsabu fl-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku antidumping huma pertinenti, u huma applikati b'analoġija, bħalma huma pertinenti għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni għal skopijiet ta' dumping. L-applikazzjoni b'analoġija tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament antidumping bażiku tippermetti li wieħed jasal għal prezz li huwa kompletament komparabbli mal-prezz CIF (il-fruntiera tal-Unjoni) li jintuża meta jiġi eżaminat il-bejgħ magħmul lil klijenti mhux relatati.

(678)

Għalhekk, sabiex ikun jista' jsir tqabbil ġust, huwa meħtieġ tnaqqis tal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u tal-amministrazzjoni u l-profitt mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lil klijenti mhux relatati magħmula mill-importatur relatat sabiex jinkiseb prezz CIF affidabbli.

(679)

Diversi partijiet talbu lill-Kummissjoni biex tiddivulga n-natura ta' ċerti spejjeż ta' wara l-importazzjoni u l-persentaġġ applikat, b'indikazzjoni tas-sors. Barra minn hekk, ix-Xingyuan Group sostna li dawn l-ispejjeż fissi jenħtieġ li jiġu allokati bħala ammont fiss għal kull tajer minflok bħala perċentwali, li se jippenalizza b'mod inġust lill-esportaturi li l-prezzijiet tagħhom jinsabu fin-naħa t'isfel tal-iskala.

(680)

Il-Kummissjoni nnutat li żiedet il-valur CIF b'3,2 % għall-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni (li minnhom it-trasport kien jirrappreżenta 60 %, l-immaniġġar 32 % u l-ispejjeż tad-dwana 8 %). Il-perċentwali ġew ikkalkulati abbażi tal-kostijiet ta' wara l-importazzjoni vverifikati għal kull unità u sussegwentement ġew espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF tal-importaturi mhux relatati vverifikati.

(681)

Is-CCCMC u s-CRIA sostnew li d-differenzi bejn it-tajers ġodda u t-tajers b'wiċċ ġdid jenħtieġ li jitqiesu għall-paragun ġust fl-investigazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-bejgħ taħt il-prezz.

(682)

Kif iddikjarat fil-premessa (117), it-tajers il-ġodda u t-tajers trattati mill-ġdid għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u wkoll l-istess użi bażiċi. Għaldaqstant, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

(683)

Il-Hankook Group sab diskrepanza bejn il-marġni ta' profitt irrappurtat għal-livell 1 u l-marġni ta' profitt fil-mira li ntuża biex jiġi stabbilit il-marġni ta' bejgħ taħt il-prezz.

(684)

Il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet ta' sottokwotazzjoni u sabet żball klerikali meta stabbiliet marġni ta' bejgħ taħt il-prezz għal-livell 1 u l-livell 2. Għalhekk, il-Kummissjoni kkoreġiet il-kalkolu tal-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz.

(685)

Wara talba mill-Hankook Group, il-Kummissjoni ddivulgat informazzjoni addizzjonali dwar l-unitajiet tas-SĠ&A li tnaqqsu mill-prezz lill-ewwel klijent indipendenti sabiex jinstab il-livell tal-prezz mill-fabbrika. Il-Kummissjoni kkonfermat li l-ispejjeż imnaqqsa kienu: it-trasport, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, l-immaniġġjar, it-tagħbija u anċillari, l-ippakkjar, il-kreditu, l-iskontijiet u l-kummissjonijiet. Il-Kummissjoni ma naqqsitx mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni il-prezzijiet indiretti tal-bejgħ, ir-R&Ż, finanzi, il-kummerċjalizzazzjoni u lanqas il-profitt.

4.5.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.5.1.   Kummenti ġenerali

(686)

F'konformità mal-Artikolu 8(4) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet issussidjati fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.

(687)

Kif intqal fil-premessi (24) sa (32), intuża l-kampjunar għas-sejbien tad-dannu possibbli mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(688)

Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi ta' dannu. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-data inkluża fl-ilment, l-istatistika tal-Eurostat, is-sottomissjonijiet mill-ETRMA, kif xieraq, biex tiżgura li d-data kienet tirrifletti l-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi abbażi tad-data li tinsab fit-tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u s-sottomissjoni ta' ETRMA. Id-data relatata mal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta' data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(689)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġini tas-sussidju.

(690)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta' kull unità, il-kostijiet ta' kull unità, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta' ġbir ta' kapital.

(691)

Hemm żewġ rimarki li jikkonċernaw il-metodoloġija għall-analiżi tal-indikaturi tad-dannu kif imwettqa fl-istadju preliminari.

(692)

Kif imsemmi fil-premessa (28), il-produtturi tal-Unjoni huma magħmula minn żewġ kategoriji ta' kumpaniji f'termini ta' daqs: Kumpaniji kbar u SMEs (frammentati ħafna), li jirrappreżentaw 85 % u 15 % rispettivament tal-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni fl-2016. Madankollu, bħala riżultat tal-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni, id-data dwar il-bejgħ tal-SMEs fil-kampjun kienet tirrappreżenta frazzjoni żgħira tal-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiżen ir-riżultati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun skont is-sehem mis-suq ta' kull kategorija ta' kumpaniji. Peress li l-SMEs huma attivi biss fis-segment tal-livell 3, dan l-aġġustament kellu bħala konsegwenza diretta li jiżdied is-sehem tal-bejgħ tal-livell 3 fis-sett ta' data li joriġina mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(693)

Barra minn hekk, il-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni kien maqsum bejn it-tliet livelli fil-proporzjon li ġej: il-livell 1: 51 %, il-livell 2: 23 % u l-livell 3: 26 % Madankollu, id-data tal-bejgħ tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, anki wara l-aġġustament deskritt fil-premessa (692), ma kinitx tirrifletti l-proporzjon reali tal-bejgħ tal-Unjoni għal kull livell. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiżen ir-riżultati tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun skont is-sehem ta' kull livell fil-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni biex tiżgura li t-tliet livelli kienu rrappreżentati skont is-sehem tagħhom fil-bejgħ totali tal-Unjoni fil-mikroindikaturi kollha.

(694)

Bosta partijiet issottomettew li jekk il-Kummissjoni ssegwi s-segmentazzjoni skont it-tliet livelli jeħtieġ li d-determinazzjoni tad-dannu ssir ukoll fil-livell ta' livelli. B'mod partikolari, l-istatus tal-industrija tal-Unjoni kif ukoll l-impatt tal-importazzjonijiet kellhom jiġu evalwati fuq bażi ta' livell, pereżempju l-impatt tal-importazzjonijiet tal-livell 2 (kemm Ċiniżi kif ukoll minn pajjiżi oħra) jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq produtturi tal-Unjoni tal-livell 2.

(695)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li minkejja s-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni, it-tajers kif definiti fil-premessa (109) għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi u huma interkambjabbli. Konsegwentement, saret id-determinazzjoni tad-dannu għall-prodott ikkonċernat f'konformità mal-Ftehim tad-WTO Kontra s-Sussidji. B'mod partikolari, il-Korp tal-Appell sab li “meta l-awtoritajiet investigattivi jwettqu eżami ta' parti waħda ta' industrija domestika, fil-prinċipju, huma jenħtieġ li jeżaminaw, bl-istess mod, il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw din l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi” (106). Għalhekk, analiżi segmentali hija possibbli skont il-liġi tad-WTO, iżda trid tkun akkumpanjata minn analiżi tal-industrija kollha. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali aċċettat li l-analiżi tad-dannu tista' tiffoka fuq il-livell l-aktar affettwat mill-importazzjonijiet sussidjati (107).

(696)

Il-Kummissjoni għalhekk wettqet l-analiżi ta' ċerti indikaturi fil-livell tal-livelli. Kif muri fil-premessi (823) sa (834), din l-analiżi tikkonferma li b'mod ġenerali l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu u li x-xejriet għall-prodott ikkonċernat ikkunsidrati bħala sħaħ b'mod ġenerali jikkorrispondu għal dawk għal-livelli kkunsidrati b'mod separat.

(697)

Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tiġi analizzata fuq bażi aggregata u, għal ċerti indikaturi mikroekonomiċi wkoll fil-livell tal-livelli differenti minħabba s-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni.

(698)

Diversi partijiet talbu informazzjoni aktar dettaljata dwar il-metodoloġija biex jiġu pponderati l-kategoriji differenti tal-kumpaniji (kbar jew SMEs) u skont il-livelli kif deskritti fil-premessi (692) u (693).

(699)

Il-proċess ta' ponderazzjoni kien ibbażat fuq il-volumi tal-bejgħ peress li dan huwa l-parametru rilevanti meta jiġi kkunsidrat il-prezz tal-bejgħ fl-Unjoni għall-istabbiliment tal-kost tal-produzzjoni jew il-profittabilità tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati.

(700)

Wieħed mill-kriterji għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni kien ir-rappreżentattività tal-produtturi tal-Unjoni f'termini ta' daqs, jiġifieri bejn l-SMEs u l-kumpaniji l-kbar (il-premessa (29)). Ittieħdu kampjuni minn ħames SMEs. SME waħda ddeċidiet li tieqaf tikkoopera mal-investigazzjoni. Erbgħa wieġbu għall-kwestjonarju dwar it-teħid tal-kampjuni.

(701)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kummenti minn partijiet interessati li argumentaw li s-segmentazzjoni tas-suq fi tliet livelli kellha tiġi riflessa fil-kampjun tal-produtturi tal-Unjoni (il-premessa (25)). Informazzjoni addizzjonali ġiet ipprovduta mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw kif spjegat fil-premessa (26).

(702)

Il-Kummissjoni ħadet kampjun ta' ħdax-il produttur tal-Unjoni. Dan huwa għadd kbir mhux tas-soltu ta' produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati. Madankollu, minkejja dan l-isforz, il-prestazzjoni tal-SMEs u għal kull livell kienet teħtieġ ponderazzjoni għal analiżi xierqa tal-aggregazzjoni li tirriżulta tal-indikaturi tad-dannu mikroekonomiku.

(703)

Il-qasma skont il-livell tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienet simili: fil-medda ta' bejn 60 % sa 70 % għal-livell 1, fil-firxa ta' 15 % sa 25 % fil-livell 2 u fil-medda ta' bejn 10 % sa 20 % fil-livell 3. L-SMEs kienu jirrappreżentaw bejn 7 % u 10 % tal-bejgħ totali tal-Unjoni rrappurtat mill-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun qed jipproduċu tajers ġodda u trattati mill-ġdid f'livell 2 u fil-livell 3. Madwar nofs il-bejgħ tal-kampjun fil-livell 3 kienu tajers b'wiċċ ġdid.

(704)

L-ewwel pass kien li ssir stima tal-qasma bejn il-bejgħ ta' kumpaniji kbar u ta' SMEs. L-istima tal-bejgħ tal-SMEs kienet ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ETRMA (għall-proċess kiesaħ) u minn fornituri tal-uċuħ li mhumiex membri tal-Europool tal-ETRMA (108). Għall-fini ta' din l-investigazzjoni, tqies li l-bejgħ bi proċess fil-kiesaħ isir mill-SMEs u dak mill-proċess bis-sħana jsir minn produtturi kbar. Dan huwa approċċ konservattiv biex jiġi stmat il-bejgħ tal-SMEs peress li l-Kummissjoni vverifikat produttur wieħed tal-SMEs biż-żewġ tekniki. L-istima tal-bejgħ tal-kumpaniji l-kbar hija d-differenza bejn il-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi tal-Unjoni nieqes l-istima tal-bejgħ tal-SMEs. Il-Kummissjoni sabet li l-bejgħ tal-SMEs kien jirrappreżenta madwar 15 % tal-bejgħ totali tal-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni fl-2016 (kif imsemmi hawn fuq, din kienet stima konservattiva peress li xi SMEs jużaw ukoll proċessi ta' produzzjoni ta' wċuħ ġodda bis-sħana). B'riżultat ta' dan, il-proporzjon kien stabbilit għal madwar 85 % għal kumpaniji kbar u madwar 15 % għall-SMEs.

(705)

It-tieni pass kien li jitqabbel il-proporzjon ta' 85 %/15 % mal-proporzjon tal-kampjun (li fih kumpaniji kbar kellhom piż ta' aktar minn 95 %). Barra minn hekk, id-data dwar il-bejgħ tal-SMEs fil-kampjun kienet tirrappreżenta madwar 4 % tal-bejgħ totali tal-Unjoni tal-produtturi SMEs tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata riflessjoni xierqa tal-importanza relattiva taż-żewġ kategoriji ta' produtturi tal-Unjoni fl-indikaturi mikroekonomiċi, il-Kummissjoni pponderat l-indikaturi ta' kumpaniji individwali meta taggrega fuq il-bażi tal-proporzjon ta' 85 %/15 % imsemmi hawn fuq. Il-metodoloġija rriżultat f'żieda fil-piż tal-bejgħ tal-livell 3 użat biex jiġu stabbiliti l-indikaturi mikroekonomiċi.

(706)

B'mod preliminari, iż-żewġ piżijiet, il-ponderazzjoni tal-kategorija tal-kumpaniji u l-ponderazzjoni tas-saffi, kienu applikati b'mod ugwali matul il-perjodu kkunsidrat, fuq il-bażi tal-2016. Il-Kummissjoni qieset dan l-approċċ raġonevoli fid-dawl tal-evidenza disponibbli.

(707)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li ma tużax proporzjon fiss (jiġifieri proporzjon ikkalkulat għall-2016) matul il-perjodu kkunsidrat iżda pjuttost proporzjon għal kull perjodu tal-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, huma sostnew li xi produtturi kbar ta' uċuħ kienu qed jipproduċu t-tajers b'wiċċ ġdid bl-użu tal-proċess kiesaħ u li żewġ produtturi ta' tajers b'wiċċ ġdid kienu parti minn grupp akbar li jikkwalifikahom bħala kumpaniji kbar. Għalhekk, il-partijiet sostnew li l-metodoloġija użata ma setgħetx titqies bħala konservattiva u li l-volum tal-bejgħ tal-SMEs kien anqas minn dak stmat. Bipaver qalet li l-proċess sħun mhux biss jintuża minn rikopritur wieħed iżda minn diversi produtturi ta' wċuħ ħodda tal-Unjoni (109).

(708)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni eżaminat it-talbiet li saru u l-evidenza pprovduta mill-partijiet. Hija sabet li tabilħaqq xi fornituri kbar ta' wċuħ għandhom sussidjarji relatati li jipproduċu tajers b'wiċċ ġdid billi jużaw il-proċess kiesaħ. Barra minn hekk, iż-żewġ produtturi li inizjalment kienu kkunsidrati bħala SMEs imsemmija mill-partijiet kienu parti minn gruppi akbar, u għalhekk ma setgħux jitqiesu bħala SMEs. Għalhekk, il-Kummissjoni aġġustat il-proporzjonijiet użati fil-ponderazzjoni. Il-fornituri u l-SMEs il-kbar ipprovdew il-bejgħ tagħhom matul il-perjodu kkunsidrat. Il-volum totali rrappurtat huwa madwar: 2014: 254 000, 2015: 227 000, 2016: 240 000 u l-perjodu ta' investigazzjoni: 250 000 tajers b'wiċċ ġdid, li jirrappreżentaw madwar 5,5 % tal-bejgħ tat-tajers b'wiċċ ġdid matul il-perjodu kkunsidrat.

(709)

It-tieni nett, fir-rigward tal-bejgħ ta' produzzjoni sħuna tal-SMEs, il-Kummissjoni sabet li aktar minn SME waħda qed tipproduċi tajers b'wiċċ ġdid bl-użu tal-proċess sħun. Hija talbet mingħand xi ftit produtturi biex tipprovdi l-volum tal-produzzjoni bi proċess sħun għall-perjodu kkunsidrat. Il-volum totali rrappurtat huwa madwar: 2014: 149 000, 2015: 152 000, 2016: 138 000 u l-perjodu ta' investigazzjoni: 132 000 tajers b'wiċċ ġdid, li jirrappreżentaw madwar 3,2 % tal-bejgħ tat-tajers b'wiċċ ġdid matul il-perjodu kkunsidrat.

(710)

It-tielet nett, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid l-istima tal-bejgħ tal-SMEs matul il-perjodu kkunsidrat billi żiedet il-bejgħ tal-produzzjoni sħuna tal-SMEs u naqqset il-bejgħ tal-produzzjoni kiesħa tal-kumpaniji l-kbar.

(711)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkalkulat is-sehem tal-bejgħ tal-SMEs fil-bejgħ totali tal-Unjoni għal kull perjodu tal-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Is-sehem tal-bejgħ tal-SMEs mill-bejgħ totali tal-Unjoni (f'%)

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Il-proporzjon użat fl-istadju definittiv għall-bejgħ tal-SMEs fil-bejgħ totali tal-Unjoni

16,9

15,3

13,7

13,2

Proporzjon użat fl-istadju preliminari għall-bejgħ tal-SMEs fil-bejgħ totali tal-Unjoni

14,6

14,6

14,6

14,6

(712)

Kif muri fit-Tabella 5, il-piż tal-SMEs fil-bejgħ totali tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat żdied b'2,3 punti perċentwali fl-2014, b'0,7 punti perċentwali fl-2015 u naqas b'0,9 punti perċentwali fl-2016 u b'1,4 punti perċentwali fil-perjodu tal-investigazzjoni. Kif muri fit-Tabella 2, l-użu ta' proporzjon speċifiku għal kull sena tal-perjodu kkunsidrat ma għandu l-ebda impatt fuq il-konklużjonijiet ibbażati fuq ix-xejriet fl-istadju preliminari, li jibqgħu validi għal-livell 3. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-istabbiliment ta' proporzjon fis-sena għandu impatt marġinali fuq l-eżitu ġenerali tal-analiżi. Abbażi ta' dan ta' hawn fuq, il-konklużjonijiet ibbażati fuq ix-xejriet fl-istadju preliminari jibqgħu validi.

(713)

Fir-rigward tat-tieni aġġustament skont il-livelli, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istadju preliminari fuq l-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, li tipprovdi l-istima tal-piż ta' kull livell għall-konsum tal-Unjoni għall-2016. Madankollu, is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni jenħtieġ li tuża proporzjon għal kull perjodu tal-perjodu kkunsidrat.

(714)

L-investigazzjoni ma wriet l-ebda data li kienet tkun iktar xierqa li setgħet intużat għall-kalkolu tal-ponderazzjoni tas-saffi matul il-perjodu kkunsidrat, u l-partijiet interessati lanqas ma setgħu jippreżentaw din id-data. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikax it-tieni aġġustament skont il-livelli fl-istadju definittiv. Dan l-approċċ żied il-piż tal-livell 1 u tal-livell 2 użat biex jiġu stabbiliti l-indikaturi mikroekonomiċi.

(715)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-proċess ta' ponderazzjoni kien illegali, peress li r-Regolament bażiku ma kienx jippermetti li jsiru emendi fit-teħid ta' kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni li suppost ikun rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni kollha. Barra minn hekk, huma argumentaw li l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma kkonformatx mar-rekwiżit li d-determinazzjoni tad-dannu tiġi bbażata fuq evidenza pożittiva biex jitwettaq eżami oġġettiv billi għadd limitat ħafna ta' kumpaniji eventwalment iddeterminaw l-eżitu kollu tal-valutazzjoni tad-dannu, għad-detriment ta' sett ta' data ħafna ikbar, li l-importanza tiegħu tiġi mnaqqsa. Barra minn hekk, is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni ma tistax tiddependi fuq l-informazzjoni pprovduta minn erba' SMEs inklużi fil-kampjun li jkunu l-bażi tal-ponderazzjoni tal-indikaturi tad-dannu. Wara d-divulgazzjoni finali, is-CRIA u s-CCCMC sostnew li l-Kummissjoni ma indirizzatx l-inadegwatezza tal-metodoloġija għall-ewwel aġġustament. Il-partijiet qalu li l-Kummissjoni kellha tabbanduna l-approċċ tagħha.

(716)

Il-Kummissjoni fakkret fil-metodoloġija użata fil-premessi (699) sa (714).

(717)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenniet li b'riżultat tal-ponderazzjoni, il-kampjun magħżul sar statistikament aktar rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, skont il-ġurisprudenza applikabbli tad-WTO u tal-UE (110). Barra minn hekk, dan ippermetta lill-Kummissjoni biex tikkunsidra aħjar il-prestazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni mhux inklużi fil-kampjun (SMEs u produtturi kbar), li kieku ma kinux ikunu riflessi biżżejjed fl-indikaturi tad-dannu kieku l-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fuq il-kampjun mingħajr ma applikat il-ponderazzjoni f'dan il-każ. Minħabba l-karattru frammentat tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx sempliċiment tinjora s-sinifikat tal-produtturi tal-SMEs fis-suq tal-Unjoni. Id-data pprovduta mill-SMEs ivverifikati tirrappreżenta madwar 4 % tal-produzzjoni totali stmata tal-SMEs matul il-perjodu kkunsidrat. Sabiex tirrifletti l-importanza relattiva taż-żewġ kategoriji ta' kumpaniji, il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet tagħha fuq id-data vverifikata tal-kumpaniji fil-kampjun u applikat il-ponderazzjoni. L-informazzjoni li ntużat kienet disponibbli fuq il-fajl miftuħ, u vverifikata kif xieraq fejn kien meħtieġ. Il-Kummissjoni qieset għalhekk li kienet wettqet eżami oġġettiv tal-eżistenza ta' dannu abbażi ta' evidenza pożittiva. Għalhekk, dawk il-pretensjonijiet ġew miċħuda.

4.2.   Analiżi segmentata tad-dannu

(718)

Kif spjegat fil-premessa (697), is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ġiet analizzata fuq bażi aggregata u, għal ċerti indikaturi mikroekonomiċi fil-livell ta' livelli minħabba s-segmentazzjoni tas-suq tal-Unjoni. Xi partijiet interessati sostnew li l-analiżi tad-dannu skont is-segment jenħtieġ li tikkunsidra l-indikaturi kollha tad-dannu u l-indikaturi tal-kawżalità. Huma rreferew għar-Rapport tal-Korp tal-Appell fl-Istati Uniti — Prodotti tal-Azzar Ilaminati bis-Sħana mill-Ġappun mill-Ġappun (111). Barra minn hekk, dawn il-partijiet talbu li l-Kummissjoni tiddistingwi wkoll bejn tajers ġodda u dawk b'wiċċ ġdid, it-tagħmir oriġinali u t-tajers ta' sostituzzjoni, billi s-suq tat-tagħmir oriġinali kien protett mill-kompetizzjoni Ċiniża, għal darb' oħra b'referenza għar-rapport tal-Korp tal-Appell fl-Istati Uniti - Prodotti tal-Azzar Illaminati bis-Sħana mill-Ġappun (112).

(719)

Il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tindika li l-awtoritajiet investigattivi li jwettqu eżami ta' parti waħda ta' industrija domestika “jenħtieġ li, fil-prinċipju, jeżaminaw, bl-istess mod, il-partijiet l-oħra kollha li jiffurmaw l-industrija, kif ukoll jeżaminaw l-industrija kollha kemm hi” (113). Madankollu, ir-Rapport tal-Korp tal-Appell ma jimponix obbligu fuq l-awtoritajiet investigattivi biex jipprovdu l-indikaturi kollha tad-dannu skont is-segment.

(720)

Barra minn hekk, il-fatti f'dak il-każ kienu differenti. Fir-rapport tal-Korp tal-Appell fl-Istati Uniti - Prodotti tal-Azzar Illaminati bis-Sħana mill-Ġappun, parti sinifikanti mill-produzzjoni domestika fl-Istati Uniti – il-produzzjoni magħluqa – kienet protetta mill-istruttura tas-suq domestiku mill-kompetizzjoni diretta mill-importazzjonijiet soġġetti. F'dik is-sitwazzjoni speċifika, il-Korp tal-Appell ma qabilx mal-“eżami komparattiv” ta' kull parti mis-suq domestiku – li “qiegħed flimkien” is-suq tan-negozjanti u s-suq vinkolat. Għall-Korp tal-Appell, dan “tejjeb” il-kapaċità tal-awtoritajiet investigattivi sabiex jagħmlu determinazzjoni xierqa dwar l-istat tal-industrija domestika kollha kemm hi. Madankollu, f'dan il-każ ma hemm l-ebda protezzjoni tas-segmenti tal-livell 1 u 2 tas-suq tal-Unjoni. Il-bejgħ tal-importazzjonijiet Ċiniżi huwa kkonċentrat prinċipalment fis-suq ta' sostituzzjoni, li hija sitwazzjoni fattwali li mhijiex imposta mill-istruttura tas-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prodott ikkonċernat kien mibjugħ ukoll lill-produtturi tat-tagħmir oriġinali. Għalhekk, il-pretensjoni li s-suq tat-tagħmir oriġinali tal-Unjoni kien protett mill-kompetizzjoni Ċiniża u għalhekk jenħtieġ li jiġi analizzat b'mod separat ġiet miċħuda.

(721)

Barra minn hekk, kif osservat fil-premessa (695), il-ġurisprudenza tikkonferma wkoll li, meta jiġi eżaminat jekk hemmx dannu għall-industrija sħiħa tal-Unjoni, din l-analiżi tista' tiffoka fuq is-segment l-aktar milqut mill-importazzjonijiet sussidjati. F'dan il-każ, madwar 65 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi tat-tajers jikkonċernaw il-livell 3. Għalhekk, analiżi xierqa tad-dannu ma tistax tinjora l-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati speċjalment f'sitwazzjoni tas-suq fejn il-bejgħ tat-tajers tal-livell 3 qed jikber kontinwament, u fejn il-livelli kollha li jiffurmaw is-suq tat-tajers tal-Unjoni huma interrelatati.

(722)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni kkunsidrat li kienet wettqet eżami xieraq tal-industrija kollha kemm hi.

4.2.1.   Indikaturi makroekonomiċi

(723)

Is-CRIA u s-CCCMC sostnew li kellhom dubji dwar l-affidabbiltà ta' xi informazzjoni użata dwar l-indikaturi makroekonomiċi.

(724)

Dokument li jipprovdi kjarifiki dwar is-sejbiet preliminari ġie inkluż fil-fajl miftuħ (114).

(725)

Rigward l-istabbiliment tal-indikaturi makroekonomiċi, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi sorsi, inkluża data pprovduta mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tat-Tajers u tal-Lastiku (European Tyre & Rubber Manufacturers' Association, ETRMA). ETRMA tippubblika analiżi tas-suq li hija pubblikament disponibbli fuq is-sit tal-Internet tagħha. Il-verżjoni miftuħa tal-ilment kienet tinkludi dokument li ġej minn ETRMA (Anness 16 – librett ETRMA għall-2016 (115)). Il-Kummissjoni nnutat li wħud mill-produtturi esportaturi kif ukoll ċerti produtturi tal-Unjoni huma membri ta' ETRMA u kienu wkoll qed jipprovdu sottomissjonijiet sostnuti minn data minn ETRMA (bħall-Hankook Group u Pirelli).

4.2.1.1.   Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(726)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, kif implikat fil-premessa (625), il-volum ta' produzzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi kkoreġut sabiex ikun fih il-bejgħ tal-fornituri tal-uċuħ mhux membri tal-ETRMA Europool. Barra minn hekk, instab żball klerikali meta ġiet stabbilita l-kapaċità ta' produzzjoni.

(727)

Il-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità ġew riveduti skont dan u żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 6

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Il-volum tal-produzzjoni (f'unitajiet) (116)

20 973 089

20 360 055

20 619 725

21 111 923

Indiċi 2014 = 100

100

97,1

98,3

100,7

Il-Kapaċità tal-produzzjoni (f'unitajiet)

29 038 117

28 225 985

27 115 950

26 525 214

Indiċi 2014 = 100

100

97,2

93,4

91,3

L-utilizzazzjoni tal-kapaċità

72,2 %

72,1 %

76,0 %

79,6 %

Indiċi 2014 = 100

100

100

105

110

Sors: ETRMA, fornituri tal-uċuħ li mhumiex membri tal-ETRMA, Comext tal-Eurostat u informazzjoni ppreżentata mill-ilmentatur.

(728)

Kif muri fit-Tabella 6, il-produzzjoni baqgħet relattivament stabbli, b' 21,1 miljun unità fil-perjodu ta' investigazzjoni, filwaqt li r-rata ta' użu tal-kapaċità żdiedet b'7,4 punti perċentwali (minn 72,2 % għal 79,6 %) matul il-perjodu kkunsidrat minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità ta' produzzjoni.

(729)

Il-kawża prinċipali taż-żieda fl-utilizzazzjoni tal-kapaċità tista' tiġi attribwita biss għat-tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità ta' produzzjoni bi kważi 10 %. Dan kien jikkonċerna l-aktar l-attività ta' kisi mill-ġdid bħal matul il-perjodu kkunsidrat, mill-inqas 85 SME li jinsabu fi kważi l-Istati Membri kollha waqfu milli jipproduċu tajers b'kisi mill-ġdid iżda wkoll l-għeluq ta' sussidjarji ta' kumpaniji kbar (117).

(730)

Ix-xejra stabbli tal-produzzjoni tal-Unjoni u l-għeluq ta' kumpaniji huma f'kuntrast mal-konsum dejjem jikber fl-Unjoni wara l-kriżi, li minnu setgħet tibbenefika l-industrija tal-Unjoni.

4.2.1.2.   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(731)

Wara d-divulgazzjoni tad-Dokument ta' Informazzjoni, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, kif implikat fil-premessa (625), il-volum tal-bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi kkoreġut sabiex ikun fih il-bejgħ tal-fornituri tal-uċuħ mhux membri ta' ETRMA Europol.

(732)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġew riveduti skont dan u żviluppati matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 7

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2014

2015

2016

Il-perjodu ta' investigazzjoni

Volum totali ta' bejgħ fis-suq tal-Unjoni (f'unitajiet) (118)

14 835 082

14 738 677

14 533 199

14 584 885

Indiċi 2014 = 100

100

99,4

98,0

98,3

Is-sehem mis-suq

72,4 %

70,3 %

67,3 %

67,1 %

Indiċi 2014 = 100

100

97,2

93,0

92,7

Sors: ETRMA, fornituri tal-uċuħ mhux membri ta' ETRMA Europool u Eurostat Comext.

(733)

F'suq li qed jikber, il-bejgħ fl-Unjoni naqas ftit matul il-perjodu kkunsidrat. Dan irriżulta fi tnaqqis ta' 5,3 punti perċentwali ta' sehem mis-suq (minn 72,4 % għal 67,1 %) filwaqt li l-volum tal-importazzjoni mir-RPĊ żdied b'aktar minn 1,1 miljun tajer, jew żieda ta' 4,2 punti perċentwali tas-sehem mis-suq (minn 17,1 % għal 21,3 %).

(734)

Iċ-China National Tire Group u Pirelli sostnew li l-volum tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni baqa' stabbli matul it-tliet snin preċedenti u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b'ħames punti perċentwali mill-2014 sal-2017, li huwa tnaqqis insinifikanti.

(735)

Huma sostnew ukoll li l-volum tal-bejgħ tal-Unjoni rrappurtat mill-ilmenti għall-perjodu 2013 u 2016 wera tnaqqis qawwi għal-livell 3 (– 30 %), tnaqqis fil-bejgħ għal-livell 2 (– 7 %) u tnaqqis żgħir fil-bejgħ għal-livell 1 (– 1 %). Bħala tali, kien ċar li l-uniku dannu seta' jinstab fis-segment tal-livell 3 u li l-analiżi tad-dannu jenħtieġ li tqis is-segmentazzjoni tas-suq.

(736)

Il-Kummissjoni nnotat li ċ-ċifri msemmija fil-premessa preċedenti huma relatati mal-bejgħ tal-ilmentaturi biss, u mhux mal-industrija kollha tal-Unjoni. Huma jirrigwardaw ukoll perjodu ta' żmien differenti. Għalhekk, mhux possibbli li tiġi trasposta l-evoluzzjoni tal-volum tal-bejgħ tal-ilmentaturi għall-industrija tal-Unjoni. Kif spjegat fil-premessi minn (718) sa (722), il-Kummissjoni qieset li l-eżistenza ta' dannu materjali trid tiġi ddeterminata fir-rigward tal-prodott ikkonċernat u tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi, u mhux biss għal ċerti partijiet minnha. Għalhekk, il-Kummissjoni ma eżaminatx ix-xejriet f'iżolament, jiġifieri skont il-livell, peress li segwiet approċċ aggregat.

4.2.1.3.   It-tkabbir

(737)

Il-konsum tal-Unjoni żdied b'6,1 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqsu b'1,7 % minkejja l-konsum dejjem jikber, li rriżulta li l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdied matul il-perjodu kkunsidrat (b'aktar minn erba' punti perċentwali).

(738)

Il-Giti Group iddikjara li l-konsum tal-Unjoni kellu jiġi analizzat fil-valur minflok fil-volum. Fuq din il-bażi, il-konsum tal-Unjoni naqas b'valur ta' 5 %, u beda jiżdied bil-mod biss bejn l-2016 u l-Perjodu tal-Investigazzjoni.