ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 265

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
24 ta' Ottubru 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1594 tat-22 ta' Ottubru 2018 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta' denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Bratislavský rožok/Pressburger Kipfel/Pozsonyi kifli (STG))

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1595 tat-23 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 23 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1596 tat-23 ta' Ottubru 2018 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Franza (fir-reġjun ta' Occitanie u f'dak ta' Provence-Alpes-Côte d'Azur)

9

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1597 tat-23 ta' Ottubru 2018 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (notifikata bid-dokument C(2018) 7117)  ( 1 )

13

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni Nru 1/2018 tal-Kunsill ta' Koperazzjoni UE-Ażerbajġan tat-28 ta' Settembru 2018 dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan [2018/1598]

18

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1594

tat-22 ta' Ottubru 2018

li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta' denominazzjoni rreġistrata fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Bratislavský rožok/Pressburger Kipfel/Pozsonyi kifli (STG))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tas-Slovakkja għall-approvazzjoni ta' emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita “Bratislavský rožok”/“Pressburger Kipfel”/“Pozsonyi kifli”, irreġistrata skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 729/2012 (2).

(2)

Billi l-emenda kkonċernata mhix minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat l-applikazzjoni għall-emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 50(2)(b) ta' dak ir-Regolament (3).

(3)

Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-denominazzjoni “Bratislavský rožok”/“Pressburger Kipfel”/“Pozsonyi kifli” (STG) hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 729/2012 tat-8 ta' Awwissu 2012 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti (Bratislavský rožok/Pressburger Kipfel/Pozsonyi kifli (STG)) (ĠU L 213, 10.8.2012, p. 9).

(3)  ĠU C 19, 19.1.2018, p. 28.


24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1595

tat-23 ta' Ottubru 2018

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Interpretazzjoni 23 tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fis-7 ta' Ġunju 2017, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika l-Interpretazzjoni 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni tar-Rapportar Finanzjarju (International Financial Reporting Interpretations Committee, IFRIC 23). IFRIC 23 jispeċifika kif għandha tkun riflessa l-inċertezza fil-kontabilità għat-taxxi fuq l-introjtu.

(3)

L-adozzjoni tal-IFRIC 23 timplika, bħala konsegwenza, emendi għall-Istandard Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) 1 sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-istandards ta' kontabilità kkonċernati.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju tikkonferma li l-emendi għall-IFRIC 23 jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a)

L-interpretazzjoni 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Kumitat tal-Interpretazzjoni Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRIC 23) tiddaħħal kif stipulat fl-Anness ma' dan ir-Regolament;

(b)

L-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) 1 huwa emendat skont l-IFRIC 23 kif stabbilit fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data tat-tnedija tal-ewwel sena finanzjarja tagħha, li tibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


ANNESS

IFRIC 23

INĊERTEZZA DWAR IT-TRATTAMENTI TAT-TAXXA FUQ ID-DĦUL

IFRIC 23

INĊERTEZZA DWAR IT-TRATTAMENTI TAT-TAXXA FUQ ID-DĦUL

REFERENZI

IAS 1 Preżentazzjoni ta' Rapporti Finanzjarji

IAS 8 Politika ta' Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta' Kontabilità u Żbalji

IAS 10 Avvenimenti wara l-Perjodu tar-Rappurtar

IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul

SFOND

1.

IAS 12 Taxxi fuq id-Dħul tispeċifika r-rekwiżiti għal assi u obbligazzjonijiet ta' taxxa kurrenti u diferiti. Entità tapplika r-rekwiżiti fl-IAS 12 abbażi tal-liġijiet tat-taxxa applikabbli.

2.

Jista' ma jkunx ċar kif il-liġi fiskali tapplika għal tranżazzjoni jew ċirkostanza partikolari. L-aċċettabbiltà ta' trattament tat-taxxa partikolari skont il-liġi tat-taxxa tista' ma tkunx magħrufa sakemm l-awtorità ta' tassazzjoni jew qorti kompetenti tieħu deċiżjoni fil-futur. Konsegwentement, tilwima jew eżami ta' xi trattament tat-taxxa partikolari mill-awtorità tat-tassazzjoni tista' taffettwa l-kontabilità ta' entità għal assi jew obbligazzjoni ta' taxxa kurrenti jew diferita.

3.

F'din l-Interpretazzjoni:

(a)

“trattamenti tat-taxxa” tirreferi għat-trattamenti użati minn entità jew li hija biħsiebha tuża fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul tagħha.

(b)

“awtorità ta' tassazzjoni” tirreferi għal korp jew korpi li jiddeċiedu jekk trattamenti tat-taxxa humiex aċċettabbli skont il-liġi tat-taxxa. Dan jista' jinkludi qorti.

(c)

“trattament tat-taxxa inċert” huwa trattament li dwaru hemm inċertezza dwar jekk l-awtorità ta' tassazzjoni kompetenti hijiex se taċċetta t-trattament skont il-liġi tat-taxxa. Pereżempju, deċiżjoni ta' entità li ma tissottomettix kwalunkwe dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul f'ġuriżdizzjoni tat-taxxa, jew li ma tinkludix dħul partikolari fil-profitt taxxabbli, huwa trattament tat-taxxa inċert jekk l-aċċettazzjoni tiegħu hija inċerta skont il-liġi tat-taxxa.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

4.

Din l-interpretazzjoni tikkjarifika kif għandhom jiġu applikati l-ħtiġijiet ta' rikonoxximent u kejl f'IAS 12 meta jkun hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul. F'tali ċirkostanza, entità għandha tirrikonoxxi u tkejjel l-assi jew l-obbligazzjoni ta' taxxa kurrenti jew diferita tagħha billi tapplika r-rekwiżiti fl-IAS 12 abbażi tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u r-rati tat-taxxa determinati skont din l-Interpretazzjoni.

KWISTJONIJIET

5.

Fejn hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul, din l-Interpretazzjoni tindirizza:

(a)

jekk entità tikkunsidrax trattament tat-taxxa inċert b'mod separat;

(b)

l-assunzjonijiet li tagħmel entità dwar l-eżami ta' trattamenti tat-taxxa mill-awtoritajiet tat-taxxa;

(c)

kif entità tiddetermina l-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa; kif ukoll

(d)

kif entità tikkunsidra tibdiliet fil-fatti u ċ-ċirkostanzi.

KUNSENS

Jekk entità tikkunsidra trattament tat-taxxa inċert b'mod separat;

6.

Entità għandha tiddetermina jekk tikkunsidrax kull trattament tat-taxxa inċert separatament jew flimkien ma' trattament tat-taxxa inċerti wieħed jew aktar fuq il-bażi ta' liema approċċ jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza. Fid-determinazzjoni tal-approċċ li jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza, entità tista' tikkunsidra, pereżempju, (a) kif tħejji d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul tagħha u kif tappoġġa trattamenti tat-taxxa; jew (b) kif l-entità tistenna li l-awtorità ta' tassazzjoni twettaq l-eżami tagħha u ssolvi kwistjonijiet li jistgħu jqumu minn dan l-eżami.

7.

Jekk, fl-applikazzjoni tal-paragrafu 6, entità tikkunsidra flimkien iktar minn trattament wieħed tat-taxxa, l-entità għandha taqra r-referenzi għal “trattament tat-taxxa inċert” f'din l-Interpretazzjoni bħala li jirreferu għall-grupp ta' trattamenti ta' taxxa inċerti kkunsidrati flimkien.

Eżami mill-awtoritajiet tat-taxxa

8.

Fil-valutazzjoni ta' jekk u kif xi trattament tat-taxxa inċert jaffettwax id-determinazzjoni ta' profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa, entità għandha tassumi li awtorità ta' tassazzjoni se teżamina l-ammonti li għandha dritt li teżamina u jkollha għarfien sħiħ tal-informazzjoni kollha relatata meta twettaq dawn l-eżamijiet.

Determinazzjoni tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa

9.

Entità għandha tqis jekk ikunx probabbli li awtorità ta' tassazzjoni taċċetta trattament tat-taxxa inċert.

10.

Jekk entità tikkonkludi li jkun probabbli li awtorità ta' tassazzjoni se taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tiddetermina l-profitt taxxabbli, (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, impenji ta' taxxa mhux użati jew rati tat-taxxa b'mod konsistenti mat-trattament tat-taxxa użat jew ippjanat li jintuża fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa fuq id-dħul tagħha.

11.

Jekk entità tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-awtorità ta' tassazzjoni se taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tirrifletti l-effett ta' inċertezza fid-determinazzjoni tal-profitt taxxabbli relatat, (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati jew rati tat-taxxa. Entità għandha tirrifletti l-effett ta' inċertezza għal kull trattament tat-taxxa inċert billi tuża wieħed mill-metodi segwenti, skont liema metodu l-entità tistenna li jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza:

(a)

l-ammont l-aktar probabbli — l-ammont singolu l-aktar probabbli fost il-firxa ta' eżiti possibbli. L-ammont l-iktar probabbli jista' jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza jekk l-eżiti possibbli huma binarji jew huma kkonċentrati fuq valur wieħed.

(b)

il-valur mistenni — is-somma tal-ammonti ponderati skont il-probabbiltà f'firxa ta' eżiti possibbli. Il-valur mistenni jista' jipprevedi aħjar ir-riżoluzzjoni tal-inċertezza jekk ikun hemm firxa ta' eżiti possibbli li la jkunu binarji u lanqas ikkonċentrati fuq valur wieħed.

12.

Jekk trattament tat-taxxa inċert jaffettwa taxxa kurrenti u taxxa diferita (pereżempju, jekk taffettwa kemm il-profitt taxxabbli li jintuża biex tiġi determinata t-taxxa kurrenti u l-bażijiet tat-taxxa użati biex tiġi determinata t-taxxa differita), entità għandha tagħmel kostatazzjonijiet u stimi konsistenti kemm għat-taxxa kurrenti kif ukoll għat-taxxa diferita.

Tibdiliet fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi

13.

Entità għandha tirrivaluta kostatazzjoni jew stima meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni jekk il-fatti u ċ-ċirkostanzi li fuqhom il-kostatazzjoni jew l-istima kienet ibbażata jinbidlu jew bħala riżultat ta' informazzjoni ġdida li taffettwa l-kostatazzjoni jew l-istima. Pereżempju, bidla fil-fatti u ċ-ċirkostanzi tista' tibdel il-konklużjonijiet ta' entità dwar l-aċċettabbiltà ta' trattament tat-taxxa jew l-istima tal-entità tal-effett ta' inċertezza, jew it-tnejn. Il-paragrafi A1–A3 jistabbilixxu gwida dwar tibdiliet fil-fatti u ċ-ċirkostanzi.

14.

Entità għandha tirrifletti l-effett ta' bidla fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew ta' informazzjoni ġdida bħala bidla fl-istima tal-kontabilità billi tapplika l-IAS 8 Politika ta' Kontabilità, Bidliet fl-Istimi ta' Kontabilità u Żbalji. Entità għandha tapplika l-IAS 10 Avvenimenti wara l-Perjodu tar-Rappurtar biex tiddetermina jekk bidla li sseħħ wara l-perjodu tar-rappurtar hijiex avveniment ta' aġġustament jew ta' nuqqas ta' aġġustament.

Appendiċi A

Gwida tal-Applikazzjoni

Dan l-Appendiċi huwa parti integrali mill-IFRIC 23 u għandu l-istess awtorità tal-partijiet l-oħra tal-IFRIC 23.

TIBDILIET FIL-FATTI U FIĊ-ĊIRKOSTANZI (PARAGRAFU 13)

A1   Bl-applikazzjoni tal-paragrafu 13 ta' din l-Interpretazzjoni, entità għandha tivvaluta r-rilevanza u l-effett ta' bidla fil-fatti u ċ-ċirkostanzi jew ta' informazzjoni ġdida fil-kuntest ta' liġijiet tat-taxxa applikabbli. Pereżempju, avveniment partikolari jista' jwassal għal rivalutazzjoni ta' kostatazzjoni jew stima magħmula għal trattamenti tat-taxxa iżda mhux għal ieħor, jekk dawn it-trattamenti tat-taxxa jkunu suġġetti għal liġijiet tat-taxxa differenti.

A2   Eżempji ta' tibdiliet fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew informazzjoni ġdida li, skont iċ-ċirkostanzi, tista' tirriżulta fir-rivalutazzjoni ta' kostatazzjoni jew stima meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni jinkludu, iżda mhumiex limitati għal dawn:

(a)

eżamijiet jew azzjonijiet minn awtorità ta' tassazzjoni. Pereżempju:

(i)

qbil jew nuqqas ta' qbil mill-awtorità ta' tassazzjoni mat-trattament tat-taxxa jew trattament tat-taxxa simili li jintuża mill-entità;

(ii)

informazzjoni li l-awtorità tat-tassazzjoni qablet jew ma qablitx ma' trattament tat-taxxa simili użat minn entità oħra; u

(iii)

informazzjoni dwar l-ammont riċevut jew imħallas biex jiġi saldat trattament ta' taxxa simili.

(b)

bidliet fir-regoli stabbiliti minn awtorità tat-tassazzjoni.

(c)

l-iskadenza tad-dritt ta' kull awtorità tat-tassazzjoni li teżamina jew tirrieżamina trattament tat-taxxa.

A3   L-assenza ta' qbil jew nuqqas ta' qbil minn awtorità tat-tassazzjoni bi trattament tat-taxxa, f'iżolazzjoni, x'aktarx ma jikkostitwixxix bidla fil-fatti u fiċ-ċirkostanzi jew informazzjoni ġdida li taffettwa l-kostatazzjonijiet u l-istimi meħtieġa minn din l-Interpretazzjoni.

DIVULGAZZJONI

A4   Meta jkun hemm inċertezza dwar it-trattamenti tat-taxxa fuq id-dħul, entità għandha tiddetermina jekk għandhiex tiżvela:

(a)

il-kostatazzjonijiet u l-istimi li jsiru fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa li japplikaw il-paragrafu 122 tal-IAS 1 Preżentazzjoni tar-Rapporti Finanzjarji; u

(b)

informazzjoni dwar il-kostatazzjonijiet u l-istimi li jsiru fil-kalkolu tal-profitt taxxabbli (telf ta' taxxa), bażijiet tat-taxxa, telf ta' taxxa mhux użati, krediti ta' taxxa mhux użati u rati tat-taxxa li japplikaw il-paragrafi 125–129 tal-IAS 1.

A5   Jekk entità tikkonkludi li jkun probabbli li awtorità tat-tassazzjoni taċċetta trattament tat-taxxa inċert, l-entità għandha tiddetermina jekk għandhiex tiżvela l-effett potenzjali ta' inċertezza bħala kontinġenza relatata mat-taxxa billi jiġi applikat il-paragrafu 88 tal-IAS 12.

Appendiċi B

Data u tranżizzjoni effettiva

Dan l-Appendiċi huwa parti integrali mill-IFRIC 23 u għandu l-istess awtorità ta' partijiet oħra tal-IFRIC 23.

DATA EFFETTIVA

B1   Entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni għall-perjodi ta' rapportar annwali li jibdew fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika din l-Interpretazzjoni għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiżvela dak il-fatt.

TRANŻIZZJONI

B2   Mal-applikazzjoni inizjali, entità għandha tapplika din l-Interpretazzjoni jew:

(a)

tapplika b'mod retrospettiv l-IAS 8, jekk dan ikun possibbli mingħajr l-użu tal-esperjenza; jew

(b)

b'mod retrospettiv bl-effett kumulattiv tal-applikazzjoni inizjali tal-Interpretazzjoni rikonoxxuta fid-data tal-applikazzjoni inizjali. Jekk entità tagħżel dan l-approċċ ta' tranżizzjoni, ma għandhiex terġa' tiddikjara b'mod ġdid informazzjoni komparattiva. Minflok, l-entità għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni mill-bidu ta' din l-Interpretazzjoni bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ miżmum (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq). Id-data tal-applikazzjoni inizjali hija l-bidu tal-perjodu ta' rappurtar annwali li fih entità tapplika għall-ewwel darba din l-Interpretazzjoni.

Appendiċi C

Entità għandha tapplika l-emenda f'dan l-Appendiċi meta tapplika l-IFRIC 23.

Emenda għall-IFRS 1 Adozzjoni għall-ewwel darba tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju

Il-paragrafu 39AF ġie miżjud.

39AF   IFRIC 23 Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul żied il-paragrafu E8. Entità għandha tapplika dik l-emenda meta tapplika l-IFRIC 23.

Fl-Appendiċi E, il-paragrafu E8 u l-intestatura relatata huma miżjuda.

Inċertezza dwar it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul

E8   Wieħed li jadotta għall-ewwel darba li d-data tat-tranżizzjoni tiegħu għall-IFRS hija qabel l-1 ta' Lulju 2017 jista' jagħżel li ma jirriflettix l-applikazzjoni tal-IFRIC 23 Inċertezza fuq it-Trattamenti tat-Taxxa fuq id-Dħul f'informazzjoni komparattiva fl-ewwel rapporti finanzjarji IFRS tiegħu. Entità li tagħmel dik l-għażla għandha tirrikonoxxi l-effett kumulattiv tal-applikazzjoni tal-IFRIC 23 bħala aġġustament għall-bilanċ tal-ftuħ tal-qligħ miżmum (jew komponent ieħor ta' ekwità, kif xieraq) fil-bidu tal-ewwel perjodu ta' rappurtar IFRS.


24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1596

tat-23 ta' Ottubru 2018

li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 f'dak li għandu x'jaqsam mad-distanza minima mill-kosta u mal-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Franza (fir-reġjun ta' Occitanie u f'dak ta' Provence-Alpes-Côte d'Azur)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar miżuri ta' ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 13(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 jipprojbixxi l-użu ta' rkaptu rmunkat sa tliet mili nawtiċi mill-kosta jew sa livell ta' fond ta' 50 metru meta dak il-fond jintlaħaq 'il ġewwa minn dik id-distanza mill-kosta.

(2)

Fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tippermetti deroga mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, dejjem jekk jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9).

(3)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 (2) ta deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament għall-użu tat-tartaruni tax-xatt f'ċerti ilmijiet territorjali ta' Franza li kienet tgħodd sal-31 ta' Diċembru 2014, irrispettivament mill-fond.

(4)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1421 (3) estenda dik id-deroga sal-25 ta' Awwissu 2018.

(5)

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Franza biex tiġi estiża d-deroga li kellha tiskadi fil-25 ta' Awwissu 2018. Franza bagħtet informazzjoni aġġornata li kienet tiġġustifika l-estensjoni tad-deroga.

(6)

Franza adottat pjan ta' ġestjoni skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (4).

(7)

F'Lulju tal-2018, il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF) ivvaluta d-deroga li Franza talbet għaliha (5). L-STECF enfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-ġbir tad-data. Franza ntrabtet li ttejjeb il-ġbir tad-data billi tniedi studju xjentifiku biex timmonitorja s-sajd u biex iżżid l-isforz tat-teħid tal-kampjuni u ntrabtet ukoll li ttejjeb il-qafas ta' kontroll lil hinn mill-obbligi stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (6) għall-bastimenti kkonċernati billi tirdoppja l-għadd ta' kontrolli, billi żżid il-frekwenza tar-rappurtar tal-qbid u billi ddaħħal l-obbligu li tintbagħat notifika minn qabel lill-awtoritajiet ta' kontroll 24 siegħa qabel kull vjaġġ tas-sajd.

(8)

Fl-2013, l-STECF qies li, minħabba l-karatteristiċi tal-irkaptu, il-veloċità baxxa tal-irfigħ bl-idejn u l-fatt li s-sajjieda jippruvaw jistadu fejn il-qiegħ tal-baħar ikun “nadif”, l-impatt ta' din l-attività fuq l-ambjent tal-baħar jista' jitqies li huwa negliġibbli.

(9)

L-estensjoni tad-deroga li Franza talbet għaliha tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(10)

Il-wisa' limitata tal-blata kontinentali twassal għal restrizzjonijiet ġeografiċi speċifiċi.

(11)

Is-sajd bit-tartaruni tax-xatt isir mix-xatt f'baħar li jkun baxx u jkollu fil-mira tiegħu diversi speċijiet. Minħabba n-natura tiegħu, dan it-tip ta' sajd ma jista' jsir bl-ebda rkaptu ieħor tas-sajd, minħabba li l-ebda rkaptu rregolat ieħor ma jista' jintuża biex jinqabdu l-ispeċijiet fil-mira.

(12)

Id-deroga li ngħatat permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1421 tolqot biss lil għadd limitat ta' bastimenti, jiġifieri lil 23 bastiment. L-estensjoni tad-deroga li Franza talbet għaliha tolqot biss lil 20 bastiment.

(13)

Il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat jiżgura li mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd fil-ġejjieni, minħabba li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss għall-20 bastiment speċifikat li flimkien għandhom sforz totali ta' 1 386 jum u li diġà huma awtorizzati jistadu min-naħa ta' Franza. Barra minn hekk, Franza llimitat l-isforz massimu permess għal kull irkaptu tas-sajd.

(14)

Jenħtieġ li l-pjan ta' ġestjoni jippermetti li maż-żmien tonqos il-flotta, minħabba li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd huma marbutin mal-bastimenti u jiġu rtirati b'mod awtomatiku meta l-bastiment li jkollu l-awtorizzazzjoni jinbidel.

(15)

It-talba tkopri bastimenti b'iktar minn ħames snin esperjenza f'dan it-tip ta' sajd.

(16)

Dawn il-bastimenti huma mniżżlin f'lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(17)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 minħabba li l-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat jipprojbixxi b'mod ċar is-sajd fiż-żoni protetti.

(18)

Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma japplikawx minħabba li dawn għandhom x'jaqsmu mal-bastimenti tat-tkarkir.

(19)

F'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżit ta' konformità mal-Artikolu 9(5) li jistabbilixxi l-qies minimu tal-malji, il-Kummissjoni tinnota li minħabba li l-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati huma selettivi ħafna, minħabba li l-effett tagħhom fuq l-ambjent tal-baħar huwa negliġibbli u minħabba li dawn ma jsirux fiż-żoni protetti, fil-pjan ta' ġestjoni tagħha, Franza awtorizzat deroga minn dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(20)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

(21)

L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jfixklux l-attivitajiet ta' bastimenti li jkunu qed jużaw irkaptu ieħor minbarra x-xbieki tat-tkarkir, it-tartaruni u xbieki rmunkati simili oħrajn.

(22)

Il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat jirregola l-attivitajiet tas-sajd bit-tartaruni tax-xatt sabiex jiżgura li jkun hemm qabdiet minimi tal-ispeċijiet imsemmijin fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(23)

Is-sajd bit-tartaruni tax-xatt ma għandux fil-mira ċ-ċefalopodi.

(24)

Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat jinkludi derogi mid-daqs minimu tal-organiżmi tal-baħar għaż-żgħar tas-sardin maqbuda għall-konsum mill-bniedem li huma fil-mira tas-sajd irregolat f'dak il-pjan.

(25)

Skont l-STECF, jenħtieġ li d-deroga tintalab mill-qies minimu tal-malji kif ukoll mid-distanza minima mill-kosta jew mil-livell minimu tal-fond. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tqis li hemm konformità mal-kundizzjonijiet rilevanti mniżżlin fir-Regolament dwar il-Mediterran: skont l-Artikolu 9(5), il-qies minimu tal-malji li japplika għax-xbieki tat-tidwir bħat-tartaruni tax-xatt għandu jkun ta' 14-il mm, skont l-Artikolu 15(3), il-qies minimu tal-malji ma għandux japplika għaż-żgħar tas-sardin maqbuda għall-konsum mill-bniedem jekk ikun hemm pjan nazzjonali ta' ġestjoni fis-seħħ għat-tartaruni tax-xatt, u l-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat jistabbilixxi, b'mod legali, qies minimu tal-malji ta' 2 mm għat-tartaruni tax-xatt li jkollhom fil-mira ż-żgħar tas-sardin.

(26)

L-STECF iqis li l-impatt ta'dan it-tip ta' sajd ma jistax jiġi evalwat għalkollox minħabba li ma hemmx valutazzjoni xjentifika ta' ċerti speċijiet li jinqabdu b'dan it-tip ta' sajd. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tqis li jenħtieġ li l-impatt ta' dan it-tip ta' sajd jiġi vvalutat fid-dawl tal-ambitu, fir-realtà, ta' dan it-tip ta' sajd, li huwa minimu: is-sajd għaż-żgħar tas-sardin, li lokalment bil-Franċiż jissejjaħ “poutine”, isir biss minn għaxar bastimenti li b'kollox ta' kull sena jaqbdu 1,6 tunnellati biss.

(27)

Il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

(28)

Fit-28 ta' Settembru 2016, l-isem tar-reġjun ta' Languedoc-Roussillon inbidel għal “Occitanie” (7). B'hekk ir-referenzi għar-reġjun ta' “Languedoc-Roussillon” iridu jinbidlu għal referenzi għar-reġjun ta' “Occitanie”.

(29)

Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-estensjoni tad-deroga mitluba.

(30)

Jenħtieġ li Franza tibgħat rapport lill-Kummissjoni fiż-żmien dovut u skont il-pjan ta' monitoraġġ previst fil-pjan ta' ġestjoni li adottat.

(31)

Il-fatt li d-deroga tkun limitata għal perjodu speċifiku se jippermetti li jittieħdu miżuri korrettivi ta' ġestjoni minnufih f'każ li l-monitoraġġ tal-pjan ta' ġestjoni juri li l-istokk sfruttat ikun f'qagħda ta' konservazzjoni ħażina, filwaqt li jipprovdi lok biex tittejjeb il-bażi xjentifika u b'hekk jittejjeb il-pjan ta' ġestjoni.

(32)

Il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat għat-tartaruni tax-xatt ma għandux data ta' skadenza u għalhekk għandu jibqa' japplika anke wara li jiskadi l-perjodu tad-deroga mitluba. B'hekk ma hemm l-ebda riskju ta' lakuni ġuridiċi.

(33)

Għalhekk jenħtieġ li d-deroga tkun tapplika sal-25 ta' Awwissu 2021.

(34)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Deroga

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika għat-tartaruni tax-xatt użati fl-ilmijiet territorjali ta' Franza li jmissu mal-kosta tar-reġjun ta' Occitanie u tar-reġjun ta' Provence-Alpes-Côte d'Azur minn bastimenti:

(a)

li għandhom in-numru tar-reġistrazzjoni msemmi fil-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat;

(b)

li għandhom iktar minn ħames snin esperjenza f'dan it-tip ta' sajd u li mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-ġejjieni; u

(c)

li għandhom awtorizzazzjoni tas-sajd u li jaħdmu skont il-pjan ta' ġestjoni li Franza adottat skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006.

Artikolu 2

Pjan ta' monitoraġġ u rappurtar

Fi żmien sena minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament, Franza għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni mfassal skont il-pjan ta' monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta' ġestjoni msemmi fl-Artikolu 1(c).

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u perjodu ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-25 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 587/2014 tat-2 ta' Ġunju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għal tartaruni tax-xatt li jistadu f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d'Azur) (ĠU L 164, 3.6.2014, p. 13).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1421 tal-24 ta' Awwissu 2015 li jestendi d-deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond għas-sajd bit-tartaruni tax-xatt f'ċertu ilmijiet territorjali ta' Franza (Languedoc-Roussillon u Provenzja-Alpi-Côte d'Azur) (ĠU L 222, 25.8.2015, p. 1).

(4)  It-test nru 6 fil-paġna 8669 tal-JORF Nru 0122 tas-27 ta' Mejju 2014, NOR: DEVM1407280 A.

(5)  https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2147402/STECF+PLEN+18-02.pdf.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(7)  https://www.legifrance.gouv.fr/eli/decret/2016/9/28/INTB1617888D/jo/texte/fr.


DEĊIŻJONIJIET

24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/13


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1597

tat-23 ta' Ottubru 2018

li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri

(notifikata bid-dokument C(2018) 7117)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 (3) ġiet adottata wara t-tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 f'għadd ta' Stati Membri (“l-Istati Membri kkonċernati”), u l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (4).

(2)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE għandhom jinkludu mill-anqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni. Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll li l-miżuri li jridu jiġu applikati fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 29(1) u fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE, iridu jinżammu mill-inqas sad-dati għal dawk iż-żoni stabbiliti fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni.

(3)

Mid-data tal-adozzjoni tagħha 'l hawn, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata diversi drabi biex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tal-influwenza avjarja. B'mod partikolari, id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 (5) sabiex jiġu stabbiliti r-regoli dwar id-dispaċċ tal-konsenji ta' flieles ta' jum miż-żoni elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247. Dik l-emenda qieset il-fatt li hemm riskju baxx ħafna li l-flieles ta' jum ixerrdu l-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja meta mqabbla ma' prodotti bażiċi oħra tat-tjur.

(4)

Sussegwentement id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġiet emendata wkoll bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 (6) sabiex jissaħħu l-miżuri ta' kontroll tal-mard applikabbli fejn hemm riskju akbar li tinxtered l-influenza avjarja b'patoġeniċità għolja. Għaldaqstant, issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tipprevedi l-istabbiliment fil-livell tal-Unjoni ta' żoni ristretti oħra fl-Istati Membri kkonċernati, kif imsemmi fl-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2005/94/KE, wara tifqigħa jew tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja, u kemm idumu l-miżuri li jridu jiġu applikati fihom. Issa d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tistipula wkoll ir-regoli għad-dispaċċ tat-tjur ħaj, tal-flieles ta' jum u tal-bajd għat-tifqis miż-żoni ristretti l-oħra lejn Stati Membri oħra, skont ċerti kundizzjonijiet.

(5)

Barra minn hekk, l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat diversi drabi, l-aktar biex jitqiesu l-bidliet fil-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati skont id-Direttiva 2005/94/KE.

(6)

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 ġie emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1307 (7), wara n-notifika mill-Bulgarija ta' tifqigħa ġdida ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'azjenda tat-tjur li tinsab fir-reġjun ta' Dobrich ta' dak l-Istat Membru. Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħet dik it-tifqigħa, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda tat-tjur infettata.

(7)

Mid-data li fiha saret l-aħħar emenda tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1307 'l hawn, il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tliet tifqigħat ġodda ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5 fl-azjendi tat-tjur li jinsabu fir-reġjuni ta' Plovdiv u Haskovo ta' dak l-Istat Membru.

(8)

Il-Bulgarija nnotifikat lill-Kummissjoni wkoll li ħadet il-miżuri neċessarji meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE wara li seħħet dik it-tifqigħa l-ġdida, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza madwar l-azjenda tat-tjur infettata f'dak l-Istat Membru.

(9)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri f'kollaborazzjoni mal-Bulgarija, u l-Kummissjoni hija sodisfatta li l-konfini taż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti tal-Bulgarija, jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-azjenda tat-tjur fejn ġiet ikkonfermata t-tifqigħa l-ġdida.

(10)

Biex ikun evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex ikunu evitati l-ostakli għall-kummerċ mhux ġustifikati u imposti minn pajjiżi terzi, jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni, flimkien mal-Bulgarija, jiġu deskritti malajr iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru.

(11)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi aġġornata sabiex titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika aġġornata fil-Bulgarija, fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja. B'mod partikolari, jenħtieġ li fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġu elenkati ż-żoni l-ġodda ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fil-Bulgarija li ġew stabbiliti u li issa huma soġġetti għar-restrizzjonijiet skont id-Direttiva 2005/94/KE.

(12)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 jiġi emendat bl-aġġornament tar-reġjonalizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jinkludi ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fil-Bulgarija, skont id-Direttiva 2005/94/KE, wara t-tifqigħa l-ġdida tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'dak l-Istat Membru, kif ukoll kemm se jdumu r-restrizzjonijiet applikabbli fihom.

(13)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 tiġi emendata skont dan.

(14)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ottubru 2018.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/247 tad-9 ta' Frar 2017 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 36, 11.2.2017, p. 62).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/696 tal-11 ta' April 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 101, 13.4.2017, p. 80).

(6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1841 tal-10 ta' Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 261, 11.10.2017, p. 26).

(7)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1307 tas-27 ta' Settembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 dwar miżuri protettivi marbuta ma' tifqigħat ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja f'ċerti Stati Membri (ĠU L 244, 28.9.2018, p. 117).


ANNESS

L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/247 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti A, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

Stat Membru: Il-Bulgarija

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2005/94/KE

Ir-reġjun ta' Haskovo:

Il-muniċipalità ta' Haskovo:

Konush

Manastir

Voyvodovo

18.11.2018

Ir-reġjun ta' Plovdiv:

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Manole

Manolsko Konare

Yasno pole

27.10.2018”

(2)

Fil-Parti B, l-entrata għall-Bulgarija hija sostitwita b'dan li ġej:

Stat Membru: Il-Bulgarija

Żona li tinkludi:

Data sa meta applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

Ir-reġjun ta' Haskovo:

Il-muniċipalità ta' Haskovo:

Konush

Manastir

Voyvodovo

Minn 19.11.2018 sa 27.11.2018

Il-muniċipalità ta' Haskovo:

Dolno Voyvodino

Galabets

Gorno Voyvodino

Haskovo

Knizhovnik

Kozlets

Malevo

Mandra

Orlovo

Stamboliyski

Teketo

Trakiets

Vaglarovo

27.11.2018

Il-muniċipalità ta' Stambolovo:

Zhalti Bryag

27.11.2018

Ir-reġjun ta' Plovdiv:

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Manole

Manolsko Konare

Yasno pole

Minn 28.10.2018 sa 5.11.2018

Il-muniċipalità ta' Rakovski

L-art ta' Stryama — Farm tal-kaċċa tal-Istat il-‘Chekeritsa’

Minn 12.10.2018 sa 5.11.2018

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Trilistnik

Minn 12.10.2018 sa 5.11.2018

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Rogosh

Skutare

5.11.2018

Il-muniċipalità ta' Maritsa:

Dink

Krislovo

Kalekovets

Zhelyazno

Voivodino

21.10.2018

Il-muniċipalità ta' Rakovski:

Rakovski

Shishmatsi

Stryama

Bolyarino

Belozem

Chalakovtsi

5.11.2018

Il-muniċipalità ta' Sadovo:

Sadovo

Cheshengirovo

5.11.2018”


RAKKOMANDAZZJONIJIET

24.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/18


RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2018 TAL-KUNSILL TA' KOPERAZZJONI UE-AŻERBAJĠAN

tat-28 ta' Settembru 2018

dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan [2018/1598]

IL-KUNSILL TA' KOPERAZZJONI UE-AŻERBAJĠAN,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti 'l waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, mill-parti l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 81 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti 'l waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, mill-parti l-oħra (il-“Ftehim”) kien ġie ffirmat fit-22 ta' April 1996 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999.

(2)

Taħt l-Artikolu 81 tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Koperazzjoni jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet adatti għall-għan li jinkisbu l-oġġettivi tal-Ftehim.

(3)

Taħt l-Artikolu 98 tal-Ftehim, il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jitwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Ftehim u għandhom jaraw li l-oġġettivi mniżżla fil-Ftehim jintlaħqu.

(4)

Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ippropona fażi ġdida ta' relazzjonijiet mas-sħab, li tippermetti sens akbar ta' sjieda miż-żewġ naħat.

(5)

L-Unjoni Ewropea u l-Ażerbajġan jixtiequ li jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom billi jiftiehmu dwar sett ta' prijoritajiet għall-perjodu 2018-2020 bl-għan li jappoġġjaw u jsaħħu r-reżiljenza u l-istabbiltà tal-Ażerbajġan.

(6)

Il-Partijiet għall-Ftehim għalhekk qablu fuq it-test tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan, li se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Ftehim, filwaqt li jiffokaw il-koperazzjoni fuq interessi kondiviżi identifikati b'mod komuni,

ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Koperazzjoni jirrakkomanda li l-Partijiet għall-Ftehim jimplimentaw il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan, kif jinsabu fl-Anness.

Artikolu 2

Din ir-Rakkomandazzjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Settembru 2018.

Għall-Kunsill ta' Koperazzjoni

F. MOGHERINI

E. MAMMADYAROV


(1)  ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.


ANNESS

PRIJORITAJIET TA' SĦUBIJA BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-AŻERBAJĠAN

I.   KUNTEST

1.

Fil-kuntest tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-UE u l-Ażerbajġan qablu dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija konġunti bil-għan li jkomplu jsaħħu r-relazzjoni tagħhom, abbażi tal-interessi u l-valuri komuni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll l-impenji favur ir-rispett u l-appoġġ għall-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri internazzjonali tal-istati, l-indipendenza u s-sovranità ta' xulxin, biex ifasslu kooperazzjoni b'attenzjoni xierqa għas-sostenibbiltà ekonomika u biex jiggwidaw is-Sħubija prinċipalment għall-perjodu li jmiss (2018-2020). Il-Prijoritajiet tas-Sħubija ġew definiti fi proċess inklużiv permezz tal-involviment ta' diversi partijiet ikkonċernati, inkluża s-soċjetà ċivili.

2.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jibnu fuq il-kooperazzjoni produttiva tal-passat, inkluż l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-PEV, li huma ser jissostitwixxu. Huma jirriflettu l-interessi kemm tal-UE u kif ukoll tal-Ażerbajġan, li jirrifletti l-ugwaljanza u n-natura reċiproka tas-Sħubija. Is-Sħubija mġedda għandha l-għan li ssaħħaħ l-enfasi tar-relazzjoni tagħna, bħala parti mill-qafas ta' politika wiesa' previst fil-Ftehim UE-Ażerbajġan il-ġdid bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni tal-paċi u s-sigurtà, il-prosperità, ir-reżiljenza u l-istabbilizzazzjoni, u tappoġġa riformi li l-Ażerbajġan biħsiebu jagħmel f'dan il-kuntest, u li tipprovdi riżultati konkreti għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha. Il-prijoritajiet tas-Sħubija UE-Ażerbajġan jittraduċu l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta f'oqsma konkreti ta' kooperazzjoni u ser jiffurmaw l-aġenda għal djalogu politiku u settorjali regolari li jintlaħaq qbil dwaru fil-Ftehim UE-Ażerbajġan il-ġdid.

3.

Il-Prijoritajiet tas-Sħubija jirriflettu enfasi fuq l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-valuri universali. Huma jappoġġaw ukoll l-objettivi tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż is-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-impenn tagħhom biex jindirizzaw kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima, tad-degradazzjoni ambjentali, tal-faqar u tal-inugwaljanza.

4.

Dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija għall-Ażerbajġan huma miġbura taħt l-istess erba' oqsma tematiċi bħal fl-“20 Riżultat Konkret għall-2020” miftiehma fis-Summit tas-Sħubija tal-Lvant fi Brussell f'Novembru 24, 2017, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tad-differenzjazzjoni. Il-Prijoritajiet tas-Sħubija u l-20 Riżultat Konkret għall-2020 għandhom, fejn possibbli, isaħħu lil xulxin.

5.

L-Ażerbajġan qiegħed ifittex li jiddiversifika l-ekonomija tiegħu u qed jiżviluppa aġenda ambizzjuża ta' riforma ekonomika. L-UE hija wieħed mill-investituri ewlenin fil-pajjiż u tirrappreżenta aktar minn nofs l-investiment dirett barrani kemm fis-setturi taż-żejt kif ukoll f'dawk mhux taż-żejt. F'dan il-kuntest l-UE u l-Ażerbajġan huma lesti jkomplu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom dwar id-diversifikazzjoni ekonomika u t-tkabbir sostenibbli b'enfasi fuq appoġġ għall-Ażerbajġan biex itejjeb il-klima u l-kundizzjonijiet tan-negozju fis-setturi kollha kif żviluppat aktar fil-paragrafu 19. Fuq il-bażi tal-għan strateġiku konġunt tal-Ażerbajġan u tal-UE biex jistabbilixxu kollegamenti diretti tal-enerġija u tat-trasport, ir-rwol tal-Ażerbajġan bħala sieħeb strateġiku fil-qasam tal-enerġija u l-pożizzjoni ġeografika tiegħu bħala ċentru naturali tat-trasport joffru l-possibilità li tissaħħaħ l-aġenda tal-Partijiet dwar il-kollegamenti, tingħata spinta lill-kummerċ u l-loġistika u jsiru possibbli proġetti importanti tat-trasport bejn il-Lvant u l-Punent u bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fir-reġjun.

6.

Fuq il-bażi, fost l-oħrajn, tad-djalogu li reġa' beda dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-kooperazzjoni dwar l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġustizzja u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika ser jiġu mtejba. L-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità u tal-Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u ta' Riammissjoni ser titħaffef. Biex trawwem fluss miftuħ ta' għarfien u kompetenza, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni kulturi ser jittejbu.

7.

Il-kooperazzjoni u programmar futuri bejn l-UE u l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-Qafas ta' Appoġġ Uniku għall-Ażerbajġan għall-2018-2020 li jmiss, ser ikunu bbażati fuq dawn il-Prijoritajiet tas-Sħubija. Il-partijiet ser jirrieżaminaw l-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet tas-Sħubija flimkien mal-partijiet ikkonċernati fuq bażi regolari biex iwettqu l-għanijiet miftiehma.

II.   PRIJORITAJIET

8.

Il-kooperazzjoni ser tvarja mill-governanza tajba, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-kuntatti bejn il-persuni sal-iżvilupp sostenibbli u l-modernizzazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport, l-enerġija u l-azzjoni klimatika, kif ukoll il-promozzjoni ta' standards ambjentali għoljin.

9.

Il-kooperazzjoni ekonomika lejn tkabbir ekonomiku sostnut u aktar sostenibbli huwa qasam fejn l-interess reċiproku huwa qawwi u fejn ser nesploraw l-opportunitajiet kollha possibbli biex intejbu l-ambjent tan-negozju. L-aċċellerazzjoni tat-tkabbir sostenibbli u aktar inklużiv fit-tul ser tkun teħtieġ istituzzjonijiet pubbliċi solidi u governanza mtejba, iktar rispett lejn l-istandards tax-xogħol, konnessjonijiet infrastrutturali aħjar, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u ħiliet u kapital uman xierqa. L-indirizzar ta' dawn il-kwistjonijiet ser joħloq kundizzjonijiet favorevoli għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha fis-setturi ewlenin u għal żieda fil-mobbiltà, għall-benefiċċju taċ-ċittadini kemm fl-Ażerbajġan, kif ukoll fl-UE. Kull tema ta' prijorità tinkludi diversi elementi f'approċċ multidixxiplinari u trasversali li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet.

10.

L-oqsma għal kooperazzjoni politika, ekonomika u teknika deskritti hawn taħt mhumiex eżawrjenti; il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan tista' tinfirex fuq numru ikbar ta' oqsma - u hija mħeġġa li tagħmel dan. Dawn jistgħu jiġu segwiti b'mod bilaterali u fil-kuntest multilaterali fejn il-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan tista' tkompli tittejjeb.

11.

Soċjetà ċivili ħajja hi importanti ħafna għall-iżvilupp tas-settur privat, għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, għal politiki ambjentali ambizzjużi u għall-innovazzjoni soċjali. Djalogu ta' kwalità għolja dwar ir-riforma tas-settur jeħtieġ għarfien espert tekniku. Il-kooperazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-partijiet ikkonċernati kollha.

12.

Is-soċjetà ċivili ser tingħata l-kapaċità li ttejjeb il-parteċipazzjoni tagħha fil-ħajja pubblika. Kwistjonijiet trasversali rilevanti oħra, bħalma huma l-ġeneru, il-klima, il-kwistjonijiet ambjentali u soċjali ser jiġu integrati fl-oqsma ta' politika rilevanti kollha. Attenzjoni partikolari ser tingħata biex jissaħħu l-opportunitajiet ta' xogħol għan-nisa u ż-żgħażagħ.

1.   It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba

13.

L-Ażerbajġan u l-UE ser jippromwovu l-governanza tajba u ser itejbu kontinwament l-amministrazzjoni pubblika tal-Ażerbajġan, inkluż is-servizz pubbliku u l-ġudikatura. Dan ser jinkludi kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' sigurtà.

14.

Ser tingħata attenzjoni partikolari għall-istat tad-dritt, inkluża l-indipendenza, l-imparzjalità, il-kwalità u l-effiċjenza tal-ġudikatura. Il-partijiet ser ikomplu bl-isforzi tagħhom għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u l-infurzar tal-liġi kif ukoll il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. Il-kooperazzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ ir-responsabbiltà u l-effettività tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq kif ukoll it-trasparenza u l-effiċjenza tal-forniment tas-servizzi pubbliċi abbażi tal-aħjar prattiċi u b'mezzi li jinkludu l-użu mifrux tal-gvern elettroniku. Il-partijiet ser jagħmlu wkoll l-almu tagħhom biex jibbażaw l-iżvilupp u l-evalwazzjoni tal-politika fuq evidenza ċara pprovduta minn, fost affarijiet oħra, servizz ta' statistika ta' kwalità għolja u jinvolvu lis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politika.

15.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni ser tkun fil-qalba tar-riforma amministrattiva u tal-kooperazzjoni biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt. Il-kooperazzjoni ser ikollha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-korpi ta' kontra l-korruzzjoni u li ttejjeb l-attivitajiet tagħhom, u ttejjeb l-ambjent regolatorju fid-dawl tal-aħjar prattiki u standards internazzjonali, b'mod partikolari fl-oqsma tal-akkwist pubbliku u l-ġestjoni ta' funzjonijiet pubbliċi fejn ir-riskji ekonomiċi u oħrajn huma l-ogħla (bħalma huma l-akkwist u l-permessi) bil-ħsieb li jiġu żgurati standards etiċi għoljin. It-trasparenza ser tkun element importanti biex jiġi evitat kunflitt ta' interess u tissaħħaħ ir-responsabbiltà f'każ ta' mġiba ħażina. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE u l-Ażerbajġan ser tissaħħaħ ukoll. Il-partijiet ser jikkooperaw ukoll fuq l-irkupru tal-assi kriminali u fuq il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-qafas istituzzjonali u legali xieraq inkluż li jikkunsidraw it-twaqqif ta' uffiċċju nazzjonali għall-irkupru tal-assi.

16.

Il-kooperazzjoni fis-settur tas-sigurtà ser tfittex li ssaħħaħ il-kapaċitajiet kif ukoll ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet rilevanti u tindirizza t-tħassib komuni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, id-droga u t-terroriżmu, inkluż il-finanzjament tat-terroriżmu, b'mezzi li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà stabbiliti fid-diversi ftehimiet li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ażerbajġan. Il-Partijiet ser iżidu wkoll l-isforzi biex iżidu r-reżiljenza għat-theddid ċibernetiku.

2.   Żvilupp ekonomiku u opportunitajiet tas-suq

17.

L-UE ser tappoġġa l-isforzi tal-Ażerbajġan sabiex jiddiversifika l-istruttura tal-ekonomija tiegħu u biex isaħħaħ il-potenzjal tiegħu għall-esportazzjoni u sorsi ta' dħul bil-għan ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv, derivat minn ekonomija dejjem aktar intelliġenti, ekoloġika, ċirkolari u soċjali. Il-Partijiet ser ikabbru l-kummerċ bilaterali fis-setturi kollha, inkluż billi jindirizzaw l-isfidi tal-aċċess reċiproku għas-suq u l-ostakli għall-investiment.

18.

Is-sħubija tal-Ażerbajġan fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija għan importanti f'dan ir-rigward u l-UE hija lesta biex tappoġġa attivament dan il-proċess.

19.

Il-Partijiet ser jikkooperaw biex jiżviluppaw ambjent tan-negozju abilitanti u favorevoli fl-Ażerbajġan, ibbażat fuq l-istabbiltà makroekonomika, il-kompetizzjoni ġusta u settur pubbliku li japplika l-istat tad-dritt b'mod effiċjenti u imparzjali. Il-politika pubblika, iggwidata mill-Pjan Direzzjonali Strateġiku dwar l-ekonomija nazzjonali u ispirata mir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Valutazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act, SBA), ser timmira li tiffaċilita l-operat tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li huma l-ġeneraturi ewlenin tal-impjiegi. Din il-faċilitazzjoni tista' tieħu l-forma ta' provvista ta' aċċess aħjar għall-finanzi, protezzjoni u infurzar imsaħħa tad-drittijiet tal-proprjetà jew it-titjib tal-ambjent regolatorju u infrastrutturali tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (Information and Communication Technology, ICT). It-trawwim ta' organizzazzjonijiet ta' appoġġ għan-negozju u tal-aċċess tal-SMEs għal servizzi tan-negozju u taħriġ imtejba ser jgħin ukoll l-integrazzjoni tal-intrapriżi Ażerbajġani f'katini ta' valur globali u ser jikkontribwixxi għall-qsim tal-għarfien u għall-iżvilupp ta' industriji. Il-parteċipazzjoni attiva tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-UE għall-SMEs (COSME) u għar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020) hija utli biex tagħti spinta għall-iżvilupp tan-negozju. Rabtiet aħjar bejn l-edukazzjoni u n-negozju ser jiġu promossi, inkluż permezz ta' inkubaturi tan-negozju.

20.

Sabiex jiġi żgurat żvilupp bilanċjat, sostenibbli u inklużiv u d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, l-UE u l-Ażerbajġan ser jikkooperaw fl-iżvilupp reġjonali u rurali, sabiex isaħħu l-amministrazzjoni lokali u s-soċjetà ċivili u b'mod partikolari l-produttività u l-kompetittività tal-agrikoltura u tal-SMEs rurali, inklużi negozji żgħar tal-familja.

21.

Il-Partijiet ser jikkooperaw biex irawmu l-ekonomija diġitali, inkluż permezz tal-armonizzazzjoni tal-ambjent diġitali tal-Ażerbajġan mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà kif ukoll fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi għal ekonomija ekoloġika u ċirkulari, fuq il-bażi tal-leġislazzjoni tal-UE u l-aħjar prattika kif xieraq.

22.

Fil-kuntest tad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, l-impjiegi u l-miżuri soċjali ser jiżguraw li l-popolazzjoni u speċjalment gruppi vulnerabbli jkunu jistgħu jadattaw għall-bidliet fis-suq tax-xogħol. L-UE ser taqsam l-esperjenza tagħha fit-titjib tad-dispożizzjonijiet tal-assistenza soċjali sabiex tipproteġi l-persuni qiegħda u gruppi soċjalment vulnerabbli u l-inklużjoni tagħhom fis-soċjetà. L-UE u l-Ażerbajġan ser jippromwovu djalogu soċjali effettiv fir-rigward tal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

3.   Il-konnettività, l-effiċjenza enerġetika, l-ambjent u l-azzjoni klimatika

23.

L-istrateġija tad-diversifikazzjoni tal-Ażerbajġan hija bbażata ħafna fuq il-pożizzjoni favorevoli tiegħu f'salib it-toroq ta' konnessjonijiet tat-trasport u l-Partijiet ser jikkooperaw biex iżidu l-kapaċità tal-Ażerbajġan biex jopera bħala ċentru kummerċjali, loġistiku u tat-trasport, filwaqt li jiżguraw li l-ambjenti regolatorji u fiżiċi tiegħu jappoġġaw dan il-għan. Ser tingħata attenzjoni partikolari għal sistema effettiva tal-ġestjoni tal-fruntieri u tat-tranżitu kif ukoll għall-konklużjoni rapida ta' Ftehim dwar l-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Ażerbajġan. Il-governanza tas-settur tat-trasport, inklużi riformi legali u istituzzjonali, hija wkoll ta' importanza ewlenija.

24.

It-titjib tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija fost il-pajjiżi msieħba, kif ukoll mal-UE, hija prijorità importanti kemm għall-Ażerbajġan kif ukoll għall-UE. L-Ażerbajġan – minħabba l-kapaċitajiet u l-lok ġeografiku tiegħu – jista' jkollu rwol ewlieni f'li jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE. Bl-istess mod, l-UE jista' jkollha rwol importanti biex tikkontribwixxi għat-titjib tal-effiċjenza, il-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tas-settur tal-enerġija tal-Ażerbajġan. B'dak il-għan, iż-żewġ Partijiet jenħtieġ li jipprovdu lil xulxin b'opportunitajiet miftuħa u mhux imxekkla ta' kummerċ u investiment fis-setturi tal-enerġija rispettivi tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Partijiet ser iżidu wkoll l-isforzi tagħhom biex itejbu l-klima ġenerali għall-investiment fis-setturi u s-swieq tal-enerġija tagħhom. Dwar il-kwistjoni tal-kummerċ tal-enerġija, il-Partijiet ser ikollhom l-għan li jtejbu l-funzjonament ta' sistemi tal-enerġija rilevanti u l-istabbiltà tas-swieq tal-enerġija li lejhom u permezz tagħhom ser ikun hemm flussi tal-enerġija. F'dan ir-rigward u f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar iffirmata fit-13 ta' Jannar 2011, it-tlestija malajr tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar u l-bidu f'waqtu tal-fornimenti tal-gass lejn is-suq Ewropew huma prijoritajiet ewlenin. Dan ser jsaħħaħ ir-rwol tal-Ażerbajġan mhux biss bħala fornitur sinifikanti tal-enerġija lejn l-Ewropa, iżda wkoll bħala pajjiż ta' tranżitu potenzjali li jista' joffri firxa sħiħa ta' servizzi ta' trażmissjoni u loġistiċi fil-kuntest tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar lejn il-produtturi tal-enerġija fir-Reġjun tal-Kaspju u lil hinn minnu minħabba l-espansjoni possibbli tal-Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar lejn pajjiżi u reġjuni oħra. Fl-aħħar nett, l-UE ser taqsam l-esperjenza tagħha dwar kwistjonijiet ta' politika regolatorja u t-transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u sostenibbli, partikolarment permezz tal-promozzjoni ta' iktar miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u soluzzjonijiet ta' enerġija rinnovabbli, kif stipulat fil-Memorandum ta' Qbil dwar Sħubija Strateġija bejn l-UE u l-Ażerbajġan fil-Qasam tal-Enerġija ffirmat fis-7 ta' Novembru 2006. F'dan ir-rigward, ir-riformi fis-settur tal-enerġija ser ikunu essenzjali.

25.

Governanza ambjentali aħjar, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u transizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u ċirkolari, kif ukoll kooperazzjoni dwar l-iżvilupp ta' politika tat-trasport li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, permezz tal-implimentazzjoni ta' proġetti rilevanti hija essenzjali biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. Il-partijiet ser jikkooperaw biex jiżguraw li l-aħjar prattiki f'dan il-qasam jiġu applikati. L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-ġestjoni ambjentali urbana u rurali, b'mod partikulari l-prevenzjoni aħjar tat-tniġġis u l-użu effettiv ta' materjali, u l-ġestjoni tal-iskart, ser ikollhom rwol ewlieni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ażerbajġan relatati mal-ambjent. Ġestjoni sostenibbli tal-foresti u tal-baċini tal-ilma ser tkun ukoll fost il-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati f'dan il-qasam. Aktar kooperazzjoni dwar l-azzjoni klimatika ser tgħin lill-Ażerbajġan biex jiżviluppa ekonomija li tkun aktar effiċjenti, kompetittiva, reżiljenti u stabbli f'konformità mal-Kontribuzzjonijiet Determinati fil-Livell Nazzjonali (Nationally Determined Contributions, NDC) tiegħu. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima, kif ukoll l-NDCs rispettivi ser ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin. L-UE ser tiffoka l-kooperazzjoni tagħha mal-Ażerbajġan b'mod partikolari fuq strateġiji ta' żvilupp ta' emissjonijiet baxxi ta' gassijiet serra fit-tul, l-integrazzjoni tal-azzjoni klimatika u tal-ambjent fil-politiki nazzjonali b'enfasi fuq għażliet ta' gwadann rapidu, l-introduzzjoni ta' oqfsa ta' kejl, rappurtar u verifikar tal-emissjonijiet u l-adattament għat-tibdil fil-klima.

4.   Il-mobiltà u l-kuntatti bejn il-persuni

26.

Il-partijiet ser jimmiraw sabiex itejbu l-mobbiltà taċ-ċittadini, kif xieraq, u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ, tal-kultura kif ukoll tar-riċerka u l-innovazzjoni.

27.

L-imsieħba huma impenjati favur l-implimentazzjoni effettiva tas-Sħubija għall-Mobbiltà, kif ukoll favur l-implimentazzjoni sħiħa u l-funzjonament bla xkiel tal-Ftehimiet ta' Faċilitazzjoni tal-Viża u ta' Riammissjoni, bil-ħsieb li jikkunsidraw fi żmien xieraq, jekk il-kundizzjonijiet jippermettu, il-ftuħ ta' Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Ażerbajġan rispettivament, sakemm il-kundizzjonijiet għal mobilità ġestita tajjeb u sikura jkunu fis-seħħ, inkluż l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehimiet tal-Faċilitazzjoni tal-Viżi u tar-Riammissjoni. F'dan ir-rigward il-partijiet ser jikkooperaw bil-għan li jikkonsolidaw il-qafas legali u istituzzjonali għas-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u l-asil f'konformità mal-aħjar standards internazzjonali.

28.

Billi tibni fuq il-kooperazzjoni li għaddejja fil-qafas ta' Erasmus+, u tal-Proċess ta' Bolonja u l-iżvilupp tat-taħriġ tekniku u vokazzjonali, il-kooperazzjoni futura ser tiffoka fuq il-modernizzazzjoni tas-sistema edukattiva tal-Ażerbajġan minn qabel l-iskola sal-edukazzjoni terzjarja. Dan r jgħin biex jittejjeb it-tqabbil bejn id-domanda għall-edukazzjoni mill-poplu u d-domanda għall-ħiliet minn min iħaddem. B'mod partikolari, l-isforzi r jiffokaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ tal-għalliema u t-titjib tal-immaġni pubblika u l-kwalità tat-taħriġ vokazzjonali. Il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni ser jiġu promossi. Il-kooperazzjoni fil-qasam tad-djalogu interkulturali ser trawwem id-diversità kulturali u l-fehim reċiproku aħjar u jżid it-tolleranza fis-soċjetajiet tagħna.