ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 216

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
24 ta' Awwissu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1197 tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

1

 

 

Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

4

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

24.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1197

tas-26 ta' Ġunju 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Novembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiftħu negozjati mal-Ġappun dwar ftehim qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

(2)

In-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġew konklużi b'mod pożittiv f'April 2018.

(3)

L-objettiv tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu f'firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali.

(4)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(5)

Fid-dawl tal-importanza li l-Ftehim jiġi implimentat malajr kemm jista' jkun wara l-firma tiegħu, partijiet mill-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi proviżorja, sakemm jiġu konklużi l-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(6)

Dikjarazzjoni li ser issir mill-Unjoni Ewropea mal-iffirmar tal-Ftehim ser tiċċara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat b'mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 25 “Applikazzjoni proviżorja” tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati u jenħtieġ li din tiġi approvata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

2.   It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjoni mill-Unjoni Ewropea dwar l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim annessa ma' din id-Deċiżjoni hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 4

Sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu, skont l-Artikolu 47 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju bejn l-Unjoni u l-Ġappun (1):

(a)

l-Artikoli 11, 12, 14, 16, 18, 20, 25, 28, 40 u 41;

(b)

l-Artikoli 13, 15 (bl-eċċezzjoni tal-punt (b) tal-paragrafu 2), 17, 21, 22, 23, 24, 26, 27, 29, 30, 31 u 37, l-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 39 sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li għalihom l-Unjoni diġà eżerċitat il-kompetenza tagħha internament;

(c)

l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5(1) sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni fir-rigward tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika estera u ta' sigurtà komuni;

(d)

l-Artikoli 42 (bl-eċċezzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 2), l-Artikoli 43 sa 47, l-Artikolu 48(3) u l-Artikoli 49, 50 u 51 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għall-fini li jiżguraw l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-26 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Id-data minn meta l-partijiet tal-Ftehim imsemmija f'dan l-Artikolu ser jiġu applikati b'mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

DIKJARAZZJONI MILL-UNJONI EWROPEA DWAR L-ARTIKOLU 47(3) TAL-FTEHIM

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim għandu jiġi interpretat b'mod li jkun konsistenti mal-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati.


24.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/4


FTEHIM TA' SĦUBIJA STRATEĠIKA

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA, U

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,

minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Parti tal-Unjoni”.

minn naħa,

u

L-ĠAPPUN

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet”,

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tagħhom lejn il-valuri u l-prinċipji komuni, b'mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jikkostitwixxu l-bażi għall-kooperazzjoni profonda u fit-tul tagħhom bħala sħab strateġiċi;

IFAKKRU fir-rabtiet dejjem aktar mill-qrib imsawrin bejniethom mill-ħruġ fl-1991 tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ġappun;

JIXTIEQU jibnu fuq, u jtejbu, il-kontribut siewi għar-relazzjonijiet tagħhom, li sar permezz tal-ftehimiet eżistenti bejniethom f'diversi oqsma;

JIRRIKONOXXU li l-interdipendenza globali li dejjem qed tiżdied wasslet għall-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda;

KONXJI, f'dan ir-rigward, bħala sħab globali bl-istess ħsieb, tar-responsabbiltà kondiviża u l-impenn tagħhom sabiex jistabbilixxu ordni internazzjonali ġusta u stabbli skont il-prinċipji u l-miri tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u sabiex jiksbu l-paċi, l-istabilità u l-prosperità fid-dinja kif ukoll is-sigurtà tal-bniedem;

DEĊIŻI, f'dan ir-rigward, li jaħdmu mill-qrib sabiex jindirizzaw l-isfidi globali l-kbar li l-komunità internazzjonali jkollha tiffaċċja, bħall-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, il-faqar u l-mard infettiv, u t-theddid għall-interess komuni fil-qasam marittimu, iċ-ċiberspazju u l-ispazju;

DEĊIŻI wkoll, f'dan ir-rigward li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali ma għandhomx jitħallew mingħajr kastig;

DETERMINATI, f'dan ir-rigward li jsaħħu s-sħubija globali tagħhom b'mod komprensiv billi jwessgħu r-rabtiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tagħhom u permezz ta' ftehimiet;

DETERMINATI wkoll, f'dan ir-rigward li jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom u jżommu l-koerenza ġenerali tal-kooperazzjoni, inkluż billi jsaħħu l-konsultazzjonijiet fil-livelli kollha u billi jieħdu azzjonijiet konġunti dwar kull kwistjoni ta' interess komuni;

JINNOTAW li, fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja li jistgħu jiġu konklużi mill-Unjoni skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet ta' dawn il-ftehimiet futuri speċifiċi ma jkunux jorbtu lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u/jew lill-Irlanda sakemm l-Unjoni, simultanjament mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u/jew mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti rispettivi tagħhom, ma tinnotifikax lill-Ġappun li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u/jew l-Irlanda jkunu saru marbuta b'taliftehimiet bħala parti mill-Unjoni skont il-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju tal-libertà, tas-Sigurtà u tal-Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jinnotaw li kwalunkwe miżura interna sussegwenti tal-Unjoni li tiġi adottata skont it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex jiġi implimentat dan il-Ftehim ma tkunx torbot lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u/jew l-Irlanda sakemm dawn ma jkunux innotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem jew li jaċċettaw tali miżuri f'konformità mal-Protokoll (Nru 21); u jinnotaw ukoll li tali ftehimiet speċifiċi futuri jew tali miżuri interni sussegwenti tal-Unjoni jaqgħu fl-ambitu tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessa mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skop u prinċipji ġenerali

1.   L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li:

(a)

tissaħħaħ is-sħubija ġenerali bejn il-Partijiet billi tissokta l-kooperazzjoni politika u settorjali u l-azzjonijiet konġunti dwar kwistjonijiet ta' interess komuni fosthom dwar l-isfidi reġjonali u globali;

(b)

jiġi pprovdut pedament legali fit-tul għat-titjib tal-kooperazzjoni bilaterali kif ukoll tal-kooperazzjoni f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali u reġjonali;

(c)

jingħata kontribut konġunt għall-paċi u l-istabilità internazzjonali permezz tal-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika ta' tilwim f'konformità mal-prinċipji tal-ġustizzja u tal-liġi internazzjonali; u

(d)

jingħata kontribut konġunt għall-promozzjoni ta' valuri u prinċipji komuni, b'mod partikolari d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

2.   Biex isegwu l-għan stabbilit fil-paragrafu 1, il-Partijiet għandhom jimplimentaw dan il-Ftehim abbażi tal-prinċipju tar-rispett reċiproku, tas-sħubija ugwali u tar-rispett tal-liġi internazzjonali.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu s-sħubija tagħhom permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku fl-oqsma ta' kwistjonijiet politiċi, tal-politika estera u dik tas-sigurtà u kooperazzjoni settorjali oħra. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jorganizzaw laqgħat f'kull livell, inkluż dawk tal-mexxejja, tal-Ministri u tal-uffiċjali anzjani u jippromwovu skambji usa' bejn in-nies tagħhom kif ukoll skambji parlamentari.

Artikolu 2

Id-Demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-Drittijiet tal-bniedem u l-Libertajiet fundamentali

1.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jħarsu l-valuri komuni u l-prinċipji tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li jsostnu l-politiki domestiċi u internazzjonali tal-Partijiet. F'dan ir-rigward, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid ir-rispett għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u għat-trattati internazzjonali rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem li għalihom huma partijiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu dawn il-valuri u l-prinċipji komuni f'fora internazzjonali. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw, fejn xieraq, fil-promozzjoni u t-twettiq ta' dawn il-valuri u l-prinċipji, inkluż ma' pajjiżi terzi jew fihom.

Artikolu 3

Il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u reġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu b'mod konġunt ir-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim, inkluż fir-reġjuni rispettivi tagħhom, u jħeġġu lill-komunità internazzjonali tirrisolvi kwalunkwe tilwima b'mezzi paċifiċi skont il-liġi internazzjonali.

Artikolu 4

Il-ġestjoni tal-kriżijiet

Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u jagħmlu ħilithom sabiex jaġixxu b'mod konġunt fuq kwistjonijiet ta' tħassib komuni fil-qasam tal-ġestjoni tal-kriżijiet u l-bini tal-paċi, inkluż bil-promozzjoni ta' pożizzjonijiet komuni, b'kooperazzjoni fir-rigward ta' riżoluzzjonijiet u deċiżjonijiet f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, b'appoġġ għall-isforzi nazzjonali ta' pajjiżi li jkunu ħerġin minn kunflitt sabiex tinkiseb paċi sostenibbli u b'kooperazzjoni fl-operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet u programmi u proġetti rilevanti oħrajn.

Artikolu 5

L-armi tal-qerda massiva

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fit-tisħiħ tar-reġim tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm sabiex jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u tal-mezzi li jwassluhom permezz ta' konformità sħiħa mal-obbligi tagħhom, u tal-implimentazzjoni tagħhom, skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-ftehimiet internazzjonali rilevanti u obbligi internazzjonali oħrajn, kif japplikaw għall-Partijiet.

2.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nuklearimagħmul fl-ibliet ta' Londra, Moska u Washington fl-1 ta' Lulju 1968 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ it-“Trattat ta' Nonproliferazzjoni”), li huwa l-pedament essenzjali għall-kisba tad-diżarm nukleari, il-pilastru tar-reġim globali tan-nonproliferazzjoni nukleari, u l-bażi għall-promozzjoni tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari. Il-Partijiet għandhom isegwu wkoll politiki u jkomplu jikkontribwixxu b'mod attiv għall-isforzi globali għal dinja aktar sigura għal kulħadd, b'enfażi fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi kollha għar-reġim tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm u l-ħtieġa li t-Trattat ta' Nonproliferazzjoni jiġi appoġġat u jissaħħaħ, u li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari, skont il-miri tat-Trattat ta' Nonproliferazzjoni b'mod li jippromwovi l-istabilità internazzjonali u abbażi tal-prinċipju tas-sigurtà sħiħa għal kulħadd.

3.   Il-Partijiet għandhom ikomplu jiġġieldu kontra l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda massiva u l-mezzi tat-twassil tagħhom l-aktar billi jiżviluppaw u jżommu sistema effettiva ta' kontrolli tal-esportazzjoni ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju u relatati mal-armi tal-qerda massiva, inkluż il-kontroll tal-utent aħħari u sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni.

4.   Il-Partijiet għandhom iżommu u jtejbu d-djalogu f'dan il-qasam sabiex jikkonsolidaw l-impenji tal-Partijiet kif stabbiliti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 6

L-armi konvenzjonali, inklużi l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw u jikkoordinaw fil-qasam tal-kontroll tat-trasferimenti ta' armi konvenzjonali kif ukoll ta' oġġetti u teknoloġiji b'użu doppju, fil-livelli globali, reġjonali, subreġjonali u domestiku bl-għan li jipprevjenu d-devjazzjoni tagħhom, jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà u l-istabilità kif ukoll għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bniedem f'kull wieħed minn dawk il-livelli. Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw il-politiki tagħhom tal-kontroll tat-trasferimenti b'mod responsabbli, fost l-oħrajn b'kunsiderazzjoni xierqa għat-tħassib ta' xulxin dwar is-sigurtà fil-livell globali u dik relatata mar-reġjuni tagħhom u ma' reġjuni oħrajn.

2.   Il-Partijiet, waqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenji rispettivi tagħhom lejn il-oqfsa tal-istrumenti internazzjonali rilevanti, bħat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi magħmul fi New York fit-2 ta' April 2013, il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, għandhom jikkooperaw u, fejn xieraq, jikkoordinaw skont dawk l-istrumenti sabiex jirregolaw il-kummerċ internazzjonali kif ukoll sabiex jipprevjenu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu u d-devjazzjoni tal-armi konvenzjonali, inklużi l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir kif ukoll tal-munizzjon. Il-kooperazzjoni skont dan il-paragrafu għandha, fejn xieraq, tinkludi l-promozzjoni tal-universalizzazzjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni sħiħa ta' dawk l-oqfsa f'pajjiżi terzi.

3.   Il-Partijiet għandhom iżommu u jtejbu d-djalogu li jakkumpanja u jikkonsolida l-impenn tagħhom skont dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Reati serji ta' tħassib internazzjonali u l-Qorti Kriminali Internazzjonali

1.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati serji ta' tħassib internazzjonali inkluż permezz tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u, fejn xieraq, ta' tribunali stabbiliti skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fil-promozzjoni tal-objettivi tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, magħmul f'Ruma fis-17 ta' Lulju, 1998 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Istatut”). Għal dan il-għan, huma għandhom:

(a)

ikomplu jippromwovu l-universalità tal-Istatut, inkluż, fejn xieraq, bil-qsim tal-esperjenzi fl-adozzjoni ta' miżuri meħtieġa għall-konklużjoni u l-implimentazzjoni tiegħu;

(b)

jissalvagwardjaw l-integrità tal-Istatut billi jħarsu l-prinċipji ewlenin tiegħu; u

(c)

jaħdmu flimkien sabiex ikomplu jtejbu l-effettività tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Artikolu 8

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

1.   Il-Partijiet għandhom jaħdmu flimkien fil-livelli bilaterali, reġjonali u internazzjonali sabiex jipprevjenu u jikkumbattu l-atti ta' terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu skont il-liġi internazzjonali applikabbli, inklużi l-ftehimiet internazzjonali relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet umani, kif applikabbli għall-Partijiet, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni waqt li jikkunsidraw l-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u l-iskambju ta' informazzjoni u opinjonijiet dwar l-atti ta' terroriżmu kollha u l-metodi u l-prattiki tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-ħarsien tal-privatezza u tad-dejta personali skont il-liġi internazzjonali u l-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

Il-mitigazzjoni tar-riskju kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni, it-tnaqqis, u l-kontroll tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari u r-rispons għalihom.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni bl-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali f'pajjiżi terzi sabiex dawn iġestixxu r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

Artikolu 10

Il-kooperazzjoni internazzjonali u reġjonali u r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom, b'appoġġ għall-impenn tagħhom lejn multilateraliżmu effettiv, sabiex jiskambjaw opinjonijiet u jtejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom fl-oqfsa tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' organizzazzjonijiet u fora oħrajn internazzjonali u reġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jippromwovu r-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex isaħħu l-effiċjenza, l-effettività, it-trasparenza, l-akkontabilità, il-kapaċità u r-rappreżentattività tas-sistema sħiħa tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż il-Kunsill tas-Sigurtà.

Artikolu 11

Il-politika dwar l-iżvilupp

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet dwar il-politiki ta' żvilupp inkluż permezz ta' djalogu regolari u, fejn xieraq, jikkoordinaw il-politiki speċifiċi tagħhom dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fil-livell globali.

2.   Fejn hu xieraq, il-Partijiet għandhom jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar il-kwistjonijiet tal-iżvilupp f'fora internazzjonali u reġjonali.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex ikomplu jħeġġu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u d-dipartimenti tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u, fejn xieraq, il-koordinazzjoni ta' attivitajiet fil-pajjiż.

4.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll sabiex jiskambjaw informazzjoni, l-aħjar prattiki u l-esperjenzi fil-qasam tal-assistenza għall-iżvilupp u sabiex jikkooperaw bl-għan li jrażżnu l-flussi finanzjarji illeċiti kif ukoll jipprevjenu u jiġġieldu l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tagħhom u tal-pajjiżi riċevitur f'kull livell.

Artikolu 12

Il-ġestjoni tad-diżastri u l-azzjoni umanitarja

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, jippromwovu l-koordinazzjoni fil-livell bilaterali, reġjonali u internazzjonali għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tad-diżastri, għat-tħejjija u r-rispons għalihom u għall-irkupru minnhom, sabiex jonqos ir-riskju tad-diżastri u sabiex tiżdied ir-reżiljenza f'dan il-qasam.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw fl-azzjonijiet umanitarji, inkluż f'operazzjonijiet ta' sokkors ta' emerġenza, bl-għan li jipprovdu rispons ikkoordinat effettiv.

Artikolu 13

Il-politika ekonomika u finanzjarja

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-esperjenzi bil-ħsieb li jppromwovu l-koordinazzjoni bilaterali u multilaterali tal-politiki li jappoġġjaw l-objettivi komuni tagħhom ta' tkabbir sostenibbli u bilanċjat, ta' trawwim tal-ħolqien tax-xogħol, tal-indirizzar tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u tal-ġlieda kontra kull forma ta' protezzjoniżmu.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-politiki u r-regolamenti finanzjarji tagħhom, bl-għan li jsaħħu l-kooperazzjoni sabiex jiżguraw l-istabilità finanzjarja u s-sostenibbiltà fiskali, inkluż billi jtejbu r-reġimi regolatorji u superviżorji għall-kontabilità, l-awditjar, l-ibbankjar, l-assigurazzjoni, is-swieq finanzjarji u partijiet oħrajn tas-settur finanzjarju, b'appoġġ għall-ħidma li qed titwettaq bħalissa f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali rilevanti.

Artikolu 14

Ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni

Skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun l-dwar il-Kooperazzjoni fix-Xjenza u t-Teknoloġija, magħmul fi Brussell fit-30 ta' Novembru 2009, kif eventwalmentemendat, il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni b'enfażi speċjali fuq il-prijoritajiet ta' interess reċiproku.

Artikolu 15

It-Trasport

1.   Il-Partijiet għandhom ifittxu l-kooperazzjoni billi jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni u d-djalogu dwar il-politiki u l-prattiki tat-trasport u oqsma oħrajn ta' interess reċiproku fil-modi ta' trasport kollha u jikkoordinaw, fejn xieraq, il-pożizzjonijiet tagħhom f'fora internazzjonali tat-trasport.

2.   L-oqsma tal-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikopru:

(a)

is-settur tal-avjazzjoni, bħas-sigurtà fl-avjazzjoni, is-sikurezza fl-avjazzjoni, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u regolamenti oħrajn rilevanti bl-objettiv li jiffaċilitaw relazzjonijiet usa' u ta' benefiċċju reċiproku fit-trasport bl-ajru, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' kooperazzjoni teknika u regolatorja u ftehimiet addizzjonali bbażati fuq interess u kunsens reċiproku;

(b)

is-settur tat-trasport marittimu; u

(c)

is-settur ferrovjarju.

Artikolu 16

L-ispazju

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u l-informazzjoni dwar il-politiki u l-attivitajiet rispettivi tagħhom dwar l-ispazju.

2.   Il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw, fejn ikun xieraq, inkluż permezz ta' djalogu regolari, għall-esplorazzjoni u l-użi paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku, inkluż fil-kompatibbiltà reċiproka tas-sistemi ta' navigazzjoni bis-satellita tagħhom, l-osservazzjoni u l-monitoraġġ tad-dinja, it-tibdil fil-klima, ix-xjenza u t-teknoloġiji tal-ispazju, aspetti tas-sigurtà tal-attivitajiet fl-ispazju u oqsma oħra ta' interess reċiproku.

Artikolu 17

Il-kooperazzjoni industrijali

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni industrijali sabiex itejbu l-kompetittività tal-impriżi tagħhom. Għal dan il-għan, huma għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-aħjar prattiki dwar il-politiki industrijali rispettivi tagħhom f'oqsma bħall-innovazzjoni, it-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-enerġija, l-istandardizzazzjoni, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, u t-titjib tal-kompetittività tal-impriżi żgħar u medji u l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tagħhom.

2.   Il-Partijiet għandhom jiffaċilitaw l-attivitajiet ta' kooperazzjoni stabbiliti mis-setturi pubbliċi u privati bl-għan li jtejbu l-kompetittività u l-kooperazzjoni tal-impriżi rispettivi tagħhom inkluż permezz tad-djalogu bejniethom.

Artikolu 18

Id-dwana

Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana, inkluż il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu filwaqt li jiżguraw kontroll doganali effettiv u konformità mal-liġijiet u r-regolamenti doganali kif ibbażata fuq il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Ġappun dwar il-Kooperazzjoni u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka fil-Qasam Doganali, magħmul fi Brussell fit-30 ta' Jannar 2008, kif eventwalmentemendat. Huma għandhom jiskambjaw ukoll opinjonijiet u jikkooperaw fl-oqfsa internazzjonali rilevanti.

Artikolu 19

It-tassazzjoni

Bl-għan li jippromwovu l-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni f'konformità mal-istandards tat-taxxa stabbiliti internazzjonalment, b'mod partikolari billi jħeġġu lil pajjiżi terzi jtejbu t-trasparenza, jiżguraw l-iskambju tal-informazzjoni u jeliminaw il-prattiki dannużi tat-taxxa.

Artikolu 20

It-turiżmu

Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni rigward l-iżvilupp sostenibbli tat-turiżmu u t-titjib tal-kompetittività tal-industriji tat-turiżmu, li jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, l-iskambju kulturali u l-iskambju bejn il-popli.

Artikolu 21

Is-soċjetà tal-informazzjoni

Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-opinjonijiet dwar il-politiki u r-regolamenti rispettivi tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex itejbu l-kooperazzjoni rigward kwistjonijiet ewlenin inkluż:

(a)

il-komunikazzjonijiet elettroniċi inkluża l-governanza tal-Internet u s-sigurtà u s-sikurezza onlajn;

(b)

l-interkonnessjoni ta' netwerk ta' riċerka, inkluż f'kuntest reġjonali;

(c)

il-promozzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u ta' innovazzjoni; u

(d)

l-istandardizzazzjoni u t-tixrid ta' teknoloġiji ġodda.

Artikolu 22

Il-politika dwar il-konsumatur

Il-Partijiet għandhom jippromwovu djalogu u skambju ta' opinjonijiet dwar il-politiki u l-liġijiet u r-regolamenti li għandhom l-għan li jiksbu livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u jtejbu l-kooperazzjoni f'oqsma ewlenin inklużi s-sigurtà tal-prodotti, l-infurzar tal-liġijiet u r-regolamenti dwar il-konsumaturi, l-edukazzjoni u l-għoti tas-setgħa u r-rimedji lill-konsumaturi.

Artikolu 23

L-ambjent

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta' opinjonijiet, l-informazzjoni u l-aħjar prattiki, dwar politiki u regolamenti ambjentali, u jtejbu l-kooperazzjoni f'oqsma bħal:

(a)

l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

(b)

id-diversità bijoloġika;

(c)

il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

(d)

it-teknoloġiji, l-oġġetti u s-servizzi li jappoġġjaw il-protezzjoni ambjentali;

(e)

il-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż, fejn xieraq, il-qtugħ illegali tas-siġar; u

(f)

oqsma oħrajn deċiżi fid-djalogu tal-politika rilevanti.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni fl-oqfsa ta' ftehimiet internazzjonali u strumenti rilevanti, kif applikabbli għall-Partijiet, kif ukoll f'fora internazzjonali.

Artikolu 24

It-tibdil fil-klima

1.   Il-Partijiet, waqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa għal tnaqqis urġenti, profond u sostnut tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra sabiex iż-żieda tat-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2 °C ogħla mil-livelli preindustrijali u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 1,5 °C ogħla mil-livelli preindustrijali, iridu jieħdu l-inizjattiva fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tagħha, inkluż permezz ta' azzjonijiet domestiċi u internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra antropoġeniċi. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fejn xieraq, taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħmula fi New York fid-9 ta' Mejju 1992 sabiex jiksbu l-objettiv ta' dik il-Konvenzjoni, fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi magħmul f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015, u sabiex isaħħu l-qafas legali multilaterali. Huma għandhom ifittxu wkoll li jtejbu l-kooperazzjoni f'fora internazzjonali rilevanti oħrajn.

2.   Bil-ħsieb li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, il-Partijiet għandhom ifittxu wkoll il-kooperazzjoni billi jtejbu l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u fejn xieraq, jippromwovu l-koordinazzjoni tal-politiki, dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku fil-qasam tat-tibdil fil-klima inklużi kwistjonijiet bħal:

(a)

il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz ta' diversi miżuri bħar-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġija b'emissjoni baxxa ta' karbonju, mekkaniżmi bbażati fuq is-suq u t-tnaqqis ta' sustanzi inkwinanti ta' ħajja qasira;

(b)

l-adattament għall-effetti avversi tat-tibdil fil-klima; u

(c)

l-assistenza lil pajjiżi terzi.

Artikolu 25

Il-politika urbana

Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba fil-qasam tal-politiki urbani, b'mod speċjali biex jiġu indirizzati sfidi komuni f'dan il-qasam inklużi dawk maħluqa mid-dinamika demografika u mit-tibdil fil-klima. Il-Partijiet għandhom iħeġġu wkoll, fejn xieraq, dan l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba fost il-gvernijiet lokali jew l-awtoritajiet tal-ibliet tagħhom.

Artikolu 26

L-enerġija

Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-kooperazzjoni u, fejn xieraq, il-koordinazzjoni mill-qrib f'organizzazzjonijiet u fora internazzjonali, fl-oqsma tal-enerġija inklużi s-sikurezza tal-enerġija, il-kummerċ u l-investiment globali fl-enerġija, il-funzjonament tas-swieq tal-enerġija globali, l-effiċjenza fl-enerġija u t-teknoloġiji relatati mal-enerġija.

Artikolu 27

L-agrikoltura

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fuq il-politiki tal-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tal-foresti inklużi l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel, l-integrazzjoni ta' rekwiżiti ambjentali fil-politiki dwar l-agrikoltura, il-politiki dwar l-iżvilupp taż-żoni rurali, il-politiki tal-promozzjoni u tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-ikel, inkluż l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-produzzjoni organika, il-prospetti agrikoli internazzjonali, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u rabtiet bejn il-politiki ta' agrikoltura sostenibbli, l-iżvilupp rurali u l-forestrija, u politiki dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-riċerka u fl-innovazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u tal-ġestjoni tal-foresti.

Artikolu 28

Is-sajd

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu u jtejbu l-kooperazzjoni dwar il-politiki tas-sajd skont l-approċċi tal-prekawzjoni u tal-ekosistema, bl-għan li jippromwovu l-konservazzjoni fit-tul, il-ġestjoni effettiva u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju tal-opinjonijiet u tal-informazzjoni u jippromwovu l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jipprevjenu, jiskoraġġixxu u jeliminaw is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet rilevanti tal-ġestjoni tas-sajd reġjonali.

Artikolu 29

L-affarijiet marittimi

Skont il-liġi internazzjonali kif riflessa fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar magħmula f'Montego Bay fl-10 ta' Diċembru 1982 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “UNCLOS”), il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu, itejbu l-fehim reċiproku dwar l-affarijiet marittimi u jaħdmu flimkien sabiex jippromwovu:

(a)

l-istat tad-dritt f'dan il-qasam, inklużi l-libertajiet tan-navigazzjoni u tat-titjiriet fuq l-ibħra u l-libertajiet l-oħrajn tal-ibħra miftuħa kif rifless fl-Artikolu 87 tal-UNCLOS; u

(b)

il-konservazzjoni fit-tul, il-ġestjoni sostenibbli u għarfien aħjar tal-ekosistemi u r-riżorsi mhux ħajjin tal-ibħra u l-oċeani skont il-liġi internazzjonali applikabbli.

Artikolu 30

L-impjiegi u l-affarijiet soċjali

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u x-xogħol deċenti, bħall-politiki dwar l-impjieg u s-sistema tas-sigurtà soċjali fil-kuntest tad-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni u l-bidliet demografiċi, permezz tal-iskambju ta' opinjonijiet u esperjenzi u, fejn xieraq, attivitajiet ta' kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

2.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu standards soċjali u tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment u jippromwovu xogħol deċenti fuq il-bażi tal-impenji rispettivi tagħhom lejn l-istrumenti internazzjonali rilevanti bħad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol adottata fit-18 ta' Ġunju 1998, u d-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta, adottata fl-10 ta' Ġunju 2008.

Artikolu 31

Is-saħħa

Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta' opinjonijiet, informazzjoni u esperjenzi fil-qasam tas-saħħa sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-problemi transfruntiera tas-saħħa, b'mod speċjali, billi jikkooperaw fil-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jittieħed u mard li ma jitteħidx, inkluż permezz tal-promozzjoni, fejn xieraq, ta' ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa.

Artikolu 32

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni u l-effettività tal-konvenzjonijiet dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali abbażi tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun dwar Assistenza Legali Reċiproka f'Materji Kriminali iffirmat fi Brussell fit-30 ta' Novembru 2009 u f'Tokyo fil-15 Diċembru 2009, kif eventwalment emendat.

Artikolu 33

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata

Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata transnazzjonali inkluż it-traffikar tal-armi tan-nar u l-kriminalità ekonomika u finanzjarja inkluż, fejn xieraq, permezz tal-promozzjoni tal-ftehimiet internazzjonali rilevanti.

Artikolu 34

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni, inkluż permezz tal-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jipprevjenu li s-sistemi finanzjarji rispettivi tagħhom jintużaw għall-ħasil ta' rikavat minn attività kriminali u għall-iffinanzjar tat-terroriżmu, waqt li jieħdu inkunsiderazzjoni standards rikonoxxuti universalment taħt il-korpi internazzjonali rilevanti, bħat-Task Force tal-Azzjoni Finanzjarja.

Artikolu 35

Il-ġlieda kontra d-drogi illeċiti

Il-Partjiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-drogi illeċiti bil-għan li:

(a)

inaqqsu l-provvista, it-traffikar u d-domanda għad-drogi illeċiti;

(b)

jipprevjenu d-devjazzjoni ta' prekursuri li jintużaw għall-manifattura illeċita ta' drogi narkotiċi jew sustanzi psikotropiċi;

(c)

jipproteġu s-saħħa u l-benesseri pubblika; u

(d)

iżarmaw in-netwerks kriminali transnazzjonali involuti fit-traffikar tad-drogi, speċjalment biex jipprevjenu l-penetrazzjoni tagħhom f'negozju kummerċjali u finanzjarju leġittimu, fost l-oħrajn permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki.

Artikolu 36

Il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet ċibernetiċi

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta' opinjonijiet u informazzjoni dwar il-politiki u l-attivitajiet rispettivi tagħhom dwar il-kwistjonijiet ċibernetiċi u għandhom iħeġġu tali skambju ta' opinjonijiet u informazzjoni f'fora internazzjonali u reġjonali.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni sabiex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-fluss liberu tal-informazzjoni sal-massimu possibbli fiċ-ċiberspazju. Għal dan il-għan, u abbażi tal-fehim li l-liġi internazzjonali tapplika fiċ-ċiberspazju, huma għandhom jikkooperaw, fejn xieraq, fl-istabbiliment u fl-iżvilupp ta' standards internazzjonali u fil-promozzjoni tal-bini tal-fiduċja fiċ-ċiberspazju.

3.   Il-Partijiet għandhom jikkooperaw, fejn xieraq, sabiex itejbu l-abilità ta' pajjiżi terzi li jsaħħu ċ-ċibersigurtà tagħhom u jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità.

4.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, inkluż id-distribuzzjoni ta' kontenut illegali permezz tal-Internet.

Artikolu 37

Ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri

Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jużaw sa fejn huwa konsistenti mal-liġijiet u mar-regolamenti rispettivi tagħhom, għodod disponibbli bħar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri sabiex jipprevjenu u jiġġieldu atti ta' terroriżmu u reati serji, filwaqt li jirrispettaw id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

Artikolu 38

Il-migrazzjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jippromwovu d-djalogu dwar il-politiki fl-qasam tal-migrazzjoni bħall-migrazzjoni legali, l-immigrazzjoni irregolari, it-traffikar tal-bnedmin, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri inkluża s-sigurtà tal-viżi u tad-dokument tal-ivvjaġġar, waqt li jiġu kkunsidrati r-realtajiet soċjoekonomiċi tal-migrazzjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni sabiex jipprevjenu u jikkontrollaw l-immigrazzjoni irregolari, inkluż billi jiżguraw ir-riammissjoni taċ-ċittadini tagħhom mingħajr dewmien żejjed u billi jipprovdulhom dokumenti tal-ivvjaġġar xierqa.

Artikolu 39

Il-protezzjoni tad-dejta personali

Il-Partijiet għandhom itejbu l-kooperazzjoni bl-għan li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tad-dejta personali.

Artikolu 40

L-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport

1.   Il-Partijiet għandhom itejbu l-iskambju ta' opinjonijiet u informazzjoni dwar il-politiki tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport.

2.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu, fejn xieraq, l-attivitajiet ta' kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-isport bħal programmi konġunti, skambji ta' persuni, u skambju ta' għarfien u esperjenzi.

Artikolu 41

Il-kultura

1.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex itejbu l-iskambju ta' persuni impenjati f'attivitajiet kulturali u ta' xogħlijiet tal-arti u sabiex iwettqu, fejn xieraq, inizjattivi konġunti f'diversi oqsma kulturali, inklużi xogħlijiet awdjoviżivi bħal films.

2.   Il-Partijiet għandhom iħeġġu d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetajiet ċivili u l-istituzzjonijiet rispettivi tagħhom fis-setturi kulturali sabiex itejbu l-għarfien u l-fehim reċiproku.

3.   Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jikkooperaw f'materji ta' interess reċiproku f'fora internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari fl-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, sabiex jiġu segwiti objettivi komuni u tiġi promossa d-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali.

Artikolu 42

Il-Kumitat Konġunt

1.   Kumitat Konġunt magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet huwa hawnhekk stabbilit. Il-Kumitat Konġunt għandu jiġi kopresedut mill-Partijiet.

2.   Il-Kumitat Konġunt għandu:

(a)

jikkoordina s-sħubija ġenerali li hija mibnija fuq dan il-Ftehim;

(b)

jitlob, fejn xieraq, informazzjoni mingħand kumitati jew korpi oħrajn stabbiliti taħt ftehimiet oħrajn jew arranġamenti bejn il-Partijiet u jiskambja opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta' interess komuni;

(c)

jiddeċiedi dwar oqsma oħrajn ta' kooperazzjoni li mhumiex elenkati f'dan il-Ftehim dment li jkunu konsistenti mal-għanijiet ta' dan il-Ftehim;

(d)

jiżgura l-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Ftehim;

(e)

jagħmel ħiltu biex isolvi kwalunkwe tilwima li tinqala' mill-interpretazzjoni, mill-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(f)

ikun forum fejn jiġi spjegat kwalunkwe tibdil rilevanti ta' politiki, programmi jew kompetenzi rilevanti għal dan il-Ftehim; u

(g)

jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet, fejn xieraq u jiffaċilita aspetti speċifiċi tal-kooperazzjoni abbażi ta' dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet b'kunsens.

4.   Il-Kumitat Konġunt normalment għandu jiltaqa' darba fis-sena f'Tokyo u fi Brussell b'mod alternat. Huwa għandu jiltaqa' wkoll fuq talba minn Parti jew l-oħra.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 43

Ir-riżoluzzjoni tat-tilwim

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe azzjoni ġenerali jew speċifika meħtieġa sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt dan il-Ftehim, abbażi tal-prinċipji tar-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali u r-rispett tal-liġi internazzjonali.

2.   Fil-każ li jinqala' xi tilwim dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkonsultaw u jikkooperaw ma' xulxin sabiex jirrisolvu t-tilwima fil-ħin u b'mod amikevoli.

3.   Jekk tilwima ma tkunx tista' tiġi solvuta skont il-paragrafu 2, kull waħda mill-Partijiet tista' titlob li t-tilwima tiġi riferuta lill-Kumitat Konġunt għal aktar diskussjoni u studju.

4.   Il-Partijiet jikkunsidraw li ksur partikolarment serju u sostanzjali tal-obbligi deskritti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 u l-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, li rispettivament jikkostitwixxu element essenzjali tal-bażi ta' kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim,, fejn il-gravità u n-natura tiegħu jkunu ta' tip eċċezzjonali li jhedded il-paċi u s-sigurtà u jkollu riperkussjonijiet internazzjonali, jista' jiġi indirizzat bħala każ ta' urġenza speċjali.

5.   Fil-każ improbabbli u mhux mistenni li jseħħ każ ta' urġenza speċjali kif imsemmi fil-paragrafu 4 fit-territorju ta' kull waħda mill-Partijiet, il-Kumitat Konġunt għandu jikkonsulta b'mod urġenti fi żmien 15-il jum fuq it-talba tal-Parti l-oħra.

F'każ li l-Kumitat Konġunt ma jkunx jista' jilħaq soluzzjoni aċċettabbli mit-tnejn, huwa għandu jiltaqa' b'mod urġenti rigward il-kwistjoni f'livell ministerjali.

6.   F'każ ta' urġenza speċjali fejn ma tinstab l-ebda soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli fil-livell ministerjali, il-Parti li għamlet it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tista' tiddeċiedi li tissospendi d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim skont il-liġi internazzjonali. Barra minn hekk, il-Partijiet jinnotaw li l-Parti li tkun għamlet it-talba msemmija fil-paragrafu 5 tista' tieħu miżuri oħrajn xierqa lil hinn mill-qafas ta' dan il-Ftehim, skont il-liġi internazzjonali. Il-Parti għandha tinnotifika d-deċiżjoni minnufih bil-miktub lill-Parti l-oħra u tapplika d-deċiżjoni għall-perjodu minimu ta' żmien meħtieġ biex tiġi riżolta l-kwistjoni b'mod aċċettabbli għall-Partijiet.

7.   Il-Partijiet għandhom jirrevedu b'mod kostanti l-iżvilupp tal-każ ta' urġenza speċjali li jkun wassal għad-deċiżjoni li jiġu sospiżi d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. Il-Parti li tinvoka s-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandha tirtiraha hekk kif ikun iġġustifikat, u fi kwalunkwe każ hekk kif każ ta' urġenza speċjali ma jibqax jeżisti.

8.   Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa jew jippreġudika l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' ftehimiet oħra bejn il-Partijiet. B'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jissostitwixxu jew jaffettwaw b'xi mod id-dispożizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ta' ftehimiet oħra bejn il-Partijiet.

Artikolu 44

Mixxellanju

Il-Kooperazzjoni u l-azzjonijiet taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu implimentati skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

Artikolu 45

Id-definizzjoni tal-Partijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, it-terminu “il-Partijiet” ifisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom, minn naħa, u l-Ġappun, min-naħa l-oħra.

Artikolu 46

Id-divulgazzjoni ta' informazzjoni

Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil xi waħda mill-Partijiet biex tipprovdi informazzjoni, li d-divulgazzjoni tagħha hija tqis li tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.

Artikolu 47

Id-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni fil-pendenza tad-dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat mill-Ġappun u approvat jew ratifikat mill-Parti tal-Unjoni skont il-proċeduri legali rispettivi tagħhom. L-istrument ta' ratifika mill-Ġappun u l-istrument li jikkonferma t-tlestija tal-approvazzjoni u r-ratifika mill-Parti tal-Unjoni għandhom jiġu skambjati f'Tokyo. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-iskambju tal-istrumenti.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u l-Ġappun għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 3 u 4, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5, l-Artikoli 11, 12, 13, 14, 15 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(b)), 16, 17, 18, 20, 21, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31 u 37, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 38, l-Artikoli 39, 40, 41, 42 (bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2(c)), 43, 44, 45, 46 u 47, il-paragrafu 3 tal-Artikolu 48, u l-Artikoli 49, 50 u 51 ta' dan il-Ftehim sakemm jidħol fis-seħħ. Din l-applikazzjoni għandha tibda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Ġappun ikun innotifika lill-Unjoni dwar it-tlestija tar-ratifika mill-Ġappun jew id-data li fiha l-Unjoni tkun innotifikat lill-Ġappun dwar it-tlestija tal-proċedura legali applikabbli meħtieġa għal dak l-għan, skont liema minnhom tiġi l-aħħar. In-notifiki għandhom isiru permezz ta' noti diplomatiċi.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim li għandhom jiġu applikati fil-pendenza tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 2 għandu jkollhom l-istess effett legali daqslikieku dan il-Ftehim kien fis-seħħ bejn il-Partijiet.

Artikolu 48

It-terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ sakemm ma jiġix itterminat skont il-paragrafu 2.

2.   Kull Parti tista' tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub li hija tkun beħsiebha twaqqaf dan il-Ftehim. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tkun irċeviet dik in-notifika.

3.   Kwalunkwe Parti tista' tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar l-intenzjoni tagħha li tittermina l-applikazzjoni fl-istennija tad-dħul fis-seħħ previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 47. It-terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara d-data li fiha l-Parti l-oħra tkun irċeviet din in-notifika.

Artikolu 49

Adeżjonijiet futuri mal-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha tinforma lill-Ġappun rigward kwalunkwe talba għal adeżjoni ta' pajjiż terz mal-Unjoni.

2.   Il-Partijiet għandhom jiddiskutu, inkluż fil-qafas tal-Kumitat Konġunt, kwalunkwe implikazzjoni li l-adeżjoni tal-pajjiż terz mal-Unjoni jista' jkollha fuq dan il-Ftehim.

3.   L-Unjoni għandha tinforma lill-Ġappun dwar l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ ta' trattat li jirrigwarda l-adeżjoni ta' pajjiż terz mal-Unjoni.

Artikolu 50

L-applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea taħt iil-kundizzjonijiet stipulati f'dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ġappun.

Artikolu 51

Testi awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa magħmul b'żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża, Żvediża, u Ġappuniża b'kull test ugwalment awtentiku. F'każ ta' xi diverġenza bejn it-testi ta' dan il-Ftehim, il-partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan l-effett iffirmaw dan il-Ftehim.

Съставено в Токио на седемнадесети юли две хиляди и осемнадесета година.

Hecho en Tokio, el diecisiete de julio de dos mil dieciocho.

V Tokiu dne sedmnáctého července dva tisíce osmnáct.

Udfærdiget i Tokyo den syttende juli to tusind og atten.

Geschehen zu Tokyo am siebzehnten Juli zweitausendachtzehn.

Kahe tuhande kaheksateistkümnenda aasta juulikuu seitsmeteistkümnendal päeval Tōkyōs.

Έγινε στο Τόκιο, στις δεκαεπτά Ιουλίου δύο χιλιάδες δεκαοκτώ.

Done at Tokyo on the seventeenth day of July in the year two thousand and eighteen.

Fait à Tokyo, le dix-sept juillet deux mille dix-huit.

Sastavljeno u Tokiju sedamnaestog srpnja godine dvije tisuće osamnaeste.

Fatto a Tokyo, addì diciassette luglio duemiladiciotto.

Tokijā, divtūkstoš astoņpadsmitā gada septiņpadsmitajā jūlijā.

Priimta du tūkstančiai aštuonioliktų metų liepos septynioliktą dieną Tokijuje.

Kelt Tokióban, a kétezer-tizennyolcadik év július havának tizenhetedik napján.

Magħmul f'Tokyo fis-sbatax-il jum ta' Lulju fis-sena elfejn u tmintax.

Gedaan te Tokio, zeventien juli tweeduizend achttien.

Sporządzono w Tokio dnia siedemnastego lipca roku dwa tysiące osiemnastego.

Feito em Tóquio aos dezassete dias do mês de julho de dois mil e dezoito.

Întocmit la Tokyo la șaptesprezece iulie două mii optsprezece.

V Tokiu sedemnásteho júla dvetisícosemnásť.

V Tokiu, sedemnajstega julija leta dva tisoč osemnajst.

Tehty Tokiossa seitsemäntenätoista päivänä heinäkuuta vuonna kaksituhattakahdeksantoista.

Som skedde i Tokyo den sjuttonde juli år tjugohundraarton.

Image

Voor het Koninkrijk België

Pour le Royaume de Belgique

Für das Königreich Belgien

Image

Deze handtekening verbindt eveneens de Vlaamse Gemeenschap, de Franse Gemeenschap, de Duitstalige Gemeenschap, het Vlaamse Gewest, het Waalse Gewest en het Brussels Hoofdstedelijk Gewest.

Cette signature engage également la Communauté française, la Communauté flamande, la Communauté germanophone, la Région wallonne, la Région flamande et la Région de Bruxelles-Capitale.

Diese Unterschrift bindet zugleich die Deutschsprachige Gemeinschaft, die Flämische Gemeinschaft, die Französische Gemeinschaft, die Wallonische Region, die Flämische Region und die Region Brüssel-Hauptstadt.

За Република България

Image

Za Českou republiku

Image

For Kongeriget Danmark

Image

Für die Bundesrepublik Deutschland

Image

Eesti Vabariigi nimel

Image

Thar cheann Na hÉireann

For Ireland

Image

Για την Ελληνική Δημοκρατία

Image

Por el Reino de España

Image

Pour la République française

Image

Za Republiku Hrvatsku

Image

Per la Repubblica italiana

Image

Για την Κυπριακή Δημοκρατία

Image

Latvijas Republikas vārdā –

Image

Lietuvos Respublikos vardu

Image

Pour le Grand-Duché de Luxembourg

Image

Magyarország részéről

Image

Għar-Repubblika ta' Malta

Image

Voor het Koninkrijk der Nederlanden

Image

Für die Republik Österreich

Image

W imieniu Rzeczypospolitej Polskiej

Image

Pela República Portuguesa

Image

Pentru România

Image

Za Republiko Slovenijo

Image

Za Slovenskú republiku

Image

Suomen tasavallan puolesta

För Republiken Finland

Image

För Konungariket Sverige

Image

For the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland

Image

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image