ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 202

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
9 ta' Awwissu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105 tat-8 ta' Awwissu 2018 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri u l-formoli għall-għoti ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1106 tat-8 ta' Awwissu 2018 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-mudelli għad-dikjarazzjoni ta' konformità li għandhom jiġu ppubblikati u miżmuma minn amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti u mhux sinifikanti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

9

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tat-Tlettax-il Direttiva 86/560/KEE tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 1986 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità ( ĠU L 326, 21.11.1986 ) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Volum 001, p. 129)

13

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

9.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1105

tat-8 ta' Awwissu 2018

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-proċeduri u l-formoli għall-għoti ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 47(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrekjedi lill-awtoritajiet kompetenti li jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha. Sabiex jiżguraw komunikazzjoni effiċjenti u effettiva, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jenħtieġu li jużaw mezzi ta' komunikazzjoni definiti, fosthom il-persuni ta' kuntatt nominati u formoli standardizzati fit-talba tagħhom għal informazzjoni, u għandhom jikkonfermaw ir-riċevuta ta' talbiet għal informazzjoni u jwieġbu talbiet għal informazzjoni.

(2)

L-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 tinkludi l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-ESMA tkun tista' tistabbilixxi u żżomm ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 36(1) ta' dak ir-Regolament, b'mod partikolari l-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (c) u (d) ta' dak l-Artikolu u kull tibdil sussegwenti li jsir fuq dik l-informazzjoni. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jkunu obbligati li jiftiehmu dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirregolaw l-għoti ta' dik l-informazzjoni lis-sit web tal-ESMA sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni tiġi trażmessa b'mod preċiż sikur.

(3)

L-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati jipprovdu lill-ESMA skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tista' tinkludi data personali u informazzjoni sensittiva oħra li ma tinsabx fid-dominju pubbliku. Għaldaqstant huwa importanti li l-għoti ta' informazzjoni jkun irregolat minn salvagwardji xierqa u regoli ta' kunfidenzjalità.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA jridu jingħataw biżżejjed żmien biex idaħħlu fis-seħħ il-proċeduri għall-għoti ta' informazzjoni stipulati f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika xahrejn wara li jkun daħal fis-seħħ.

(5)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(6)

L-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi ta' implementazzjoni abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati għaliex ikkonkludiet li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u tal-impatt tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni, meta wieħed iqis li dawn jikkonċernaw biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux lill-parteċipanti fis-suq.

(7)

L-ESMA talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Notifika lill-ESMA għar-reġistru tal-ESMA

1.   Sabiex l-ESMA tkun tista' tistabbilixxi u żżomm ir-reġistru pubbliku msemmi fl-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA bl-informazzjoni elenkata fil-punti (a), (c) u (d) ta' dak l-Artikolu, u bi kwalunkwe tibdil li jsir f'dik l-informazzjoni fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn meta tittieħed id-deċiżjoni rilevanti.

2.   Id-deċiżjoni rilevanti hija kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet li ġejjin li tittieħed mill-awtorità kompetenti li minnha jinbet l-obbligu skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 li l-ESMA tiġi nnotifikata dwar dik l-informazzjoni jew bidla partikolari:

(a)

deċiżjoni li tawtorizza jew tirreġistra amministratur skont l-Artikolu 34(6)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) 2016/1011;

(b)

deċiżjoni li tirtira jew tissospendi l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni ta' amministratur skont l-Artikolu 35(1) ta' dak ir-Regolament;

(c)

deċiżjoni li tirrikonoxxi amministratur li jkun jinsab f'pajjiż terz skont l-Artikolu 32(5) ta' dak ir-Regolament;

(d)

deċiżjoni li tirtira jew tissospendi tali rikonoxximent skont l-Artikolu 32(8) ta' dak ir-Regolament;

(e)

deċiżjoni li tawtorizza l-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew ta' familja ta' parametri referenzjarji bis-saħħa tal-Artikolu 33(3) ta' dak ir-Regolament;

(f)

deċiżjoni li tobbliga l-waqfien tal-approvazzjoni ta' parametru referenzjarju jew familja ta' parametri referenzjarji bis-saħħa tal-Artikolu 33(6) ta' dak ir-Regolament.

Kwalunkwe informazzjoni jew bidla għal dik l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat lill-ESMA permezz tal-mezz ta' komunikazzjoni tal-ESMA li jiżgura li l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jinżammu matul it-trażmissjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA għandhom jiftiehmu dwar it-teknoloġija tal-informazzjoni li tirregola s-sottomissjoni tal-informazzjoni lis-sit web tal-ESMA permezz tal-mezz ta' komunikazzjoni tal-ESMA.

Artikolu 2

Notifiki lill-ESMA dwar il-parametri referenzjarji min-naħa ta' amministraturi rikonoxxuti

Kwalunkwe notifika li ssir lill-ESMA skont l-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandha ssir b'mezz elettroniku li jkun jista' jiżgura l-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data matul il-proċess tat-trażmissjoni.

Artikolu 3

Talbiet għal informazzjoni

1.   Kwalunkwe talba għal informazzjoni min-naħa tal-ESMA li jkollha tingħata minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, għajr informazzjoni koperta mill-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament, għandha ssir billi tintuża l-formola li tinsab fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità kompetenti li tintalab l-informazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 (“l-awtorità li ssirilha t-talba”) għandha tikkonferma r-riċevuta tat-talba fi żmien sebat ijiem minn meta ssir it-talba permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Tweġiba għal talba għal informazzjoni

1.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tagħti l-informazzjoni mitluba lill-ESMA billi tuża l-formola li tinsab fl-Anness III ta' dan ir-Regolament. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha fis-setgħa tagħha biex tikseb u tagħti l-informazzjoni mitluba. Jekk l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tipprovdi l-informazzjoni sad-data mistennija għat-tweġiba stipulata fil-konferma tar-riċevuta tat-talba għal informazzjoni, hija għandha tinnotifika lill-ESMA mingħajr dewmien u tipprovdi data mistennija oħra għat-tweġiba flimkien mar-raġunijiet għaliex tkun qed tintalab estensjoni.

2.   Kulfejn meħtieġ l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tikkonsulta mal-ESMA dwar kwalunkwe kjarifika dwar it-tip ta' informazzjoni mitluba u dwar il-frekwenza ta' kwalunkwe aġġornament li jkun meħtieġ.

Artikolu 5

Mezzi ta' trażmissjoni

It-talbiet kollha għal informazzjoni, il-konfermi tar-riċevuta u t-tweġibiet għal informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu konformi mar-regoli li ġejjin:

(a)

għandhom isiru bil-miktub;

(b)

għandhom jintbagħtu bil-posta jew bil-faks, jew b'mezzi elettroniċi li jkunu jistgħu jiżguraw il-kompletezza, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni matul il-proċess tat-trażmissjoni;

(c)

għandhom ikunu indirizzati:

(i)

fil-każ ta' talba mibgħuta lil awtorità kompetenti, lill-persuna ta' kuntatt maħtura mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 7;

(ii)

fil-każ ta' konferma tar-riċevuta jew tweġiba mibgħuta lill-ESMA, lill-pum ta' kuntatt speċifikat mill-ESMA fit-talba għal informazzjoni li tkun għamlet.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu l-kunfidenzjalità dwar il-fatt li tkun intbagħtet talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, dwar il-kontenut ta' dik it-talba u dwar kwalunkwe kwistjoni li tinqala' matul it-twettiq tat-talba, b'mod partikolari dwar kwalunkwe konsultazzjoni bejn l-ESMA u l-awtorità kompetenti fir-rigward tat-talba.

2.   Madanakollu l-awtorità kompetenti tista' tiżvela tali fatti jew kwistjonijiet jekk l-ESMA tippermetti dan l-iżvelar jew li-iżvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.

Artikolu 7

Persuni ta' kuntatt

Kull awtorità kompetenti għandha taħtar persuna ta' kuntatt għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u tikkomunika l-isem u d-dettalji ta' kuntatt ta' dik il-persuna ta' kuntatt lill-ESMA fi żmien 30 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Kull bidla sussegwenti fir-rigward tal-ħatra jew dwar id-dettalji ta' kuntatt ta' persuna ta' kuntatt għandhom jiġu kkomunikati lill-ESMA mingħajr dewmien.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-29 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Formola għal talba għal informazzjoni

TALBA GĦAL INFORMAZZJONI

Numru ta' referenza: …

Data: …

Informazzjoni ġenerali

MINGĦAND:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità rikjedenti:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

LIL:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem]

F'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni] qed tintalab informazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni(jiet) indikati f'aktar dettall hawn taħt.

Inkun grat jekk tibgħatli l-informazzjoni mitluba hawn fuq sa [Ikteb id-data indikattiva ta' meta ser tintbagħat it-tweġiba] jew, jekk dan mhuwiex possibbli, indikazzjoni dwar meta taħseb li ser tkun tista' tipprovdi l-informazzjoni mitluba.

Raġunijiet għat-talba għal informazzjoni

[Ikteb id-dispożizzjoni(jiet) tar-Regolament (UE) 2016/1011 bis-saħħa ta' liema l-awtorità rikjedenti hija kompetenti biex tittratta l-kwistjoni]

It-talba tikkonċerna informazzjoni dwar …

[Ikteb id-deskrizzjoni tas-suġġett tat-talba, il-qasam tas-superviżjoni tal-parametru referenzjarju kkonċernat u r-raġuni għala qed tintalab l-informazzjoni]

B'referenza għal …

[Jekk applikabbli, ikteb id-dettalji tat-talba preċedenti sabiex tkun tista' tiġi identifikata]

L-informazzjoni inkluża f'din it-talba għandha tinżamm kunfidenzjali b'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105.

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS II

Formola għall-konferma tar-riċevuta ta' talba għal informazzjoni

KONFERMA TAR-RIĊEVUTA TA' TALBA GĦAL INFORMAZZJONI

Numru ta' referenza: …

Data: …

MINGĦAND:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

LIL:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità rikjedenti:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem]

F'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni], b'dan nikkonfermaw ir-riċevuta tat-talba tiegħek għal informazzjoni bin-numru ta' referenza [Ikteb it-talba]

Id-data mistennija tat-tweġiba (jekk possibbli f'dan l-istadju): …

Dejjem tiegħek,

[firma]


ANNESS III

Formula għat-tweġiba għal talba għal informazzjoni

TWEĠIBA GĦAL TALBA GĦAL INFORMAZZJONI

Numru ta' referenza: …

Data: …

Informazzjoni ġenerali

MINGĦAND:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità li ssirilha t-talba:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

LIL:

Stat Membru (jekk applikabbli):

Awtorità Rikjedenti:

Indirizz legali:

(Dettalji ta' kuntatt tal-persuna ta' kuntatt maħtura skont l-Artikolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105)

Isem:

Telefon:

Posta elettronika:

Sinjur/Sinjura [Ikteb l-isem]

F'konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/1105 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni [biex jiġu stabbiliti l-proċeduri u l-formoli għall-iskambju ta' informazzjoni], ipproċessajna t-talba tiegħek għal informazzjoni bid-data [jj.xx.ssss] bin-numru ta' referenza [ikteb in-numru ta' referenza].

Informazzjoni mitluba

L-informazzjoni mogħtija hija kunfidenzjali u qed tiġi żvelata lil [ikteb isem l-Awtorità Rikjedenti] skont [ikteb id-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli] u fuq il-bażi li l-informazzjoni għandha tibqa' kunfidenzjali skont l-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105. [Ikteb isem l-Awtorità Rikjedenti] għandha tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1105. fir-rigward tal-kunfidenzjalità u l-użi permessibbli tal-informazzjoni.

Dejjem tiegħek,

[firma]


9.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/9


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1106

tat-8 ta' Awwissu 2018

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-mudelli għad-dikjarazzjoni ta' konformità li għandhom jiġu ppubblikati u miżmuma minn amministraturi ta' parametri referenzjarji sinifikanti u mhux sinifikanti skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikoli 25(8) u 26(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jobbliga lill-amministraturi ta' parametri referenzjarji li jagħżlu li ma jikkonformawx ma' rekwiżit wieħed jew aktar ta' dan ir-Regolament jippubblikaw u jżommu dikjarazzjoni ta' konformità li tiddikjara għaliex mhuwiex xieraq li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti. L-Artikolu 26(3) ta' dak ir-Regolament jimponi obbligu fuq l-amministraturi ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti, iżda b'rabta ma' firxa usa' ta' rekwiżiti.

(2)

Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tippermetti lil kull min jaqraha li jidentifika b'mod ċar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li l-amministratur tal-parametru referenzjarju għażel li ma japplikax u r-raġunijiet għaliex l-amministratur iqis li huwa xieraq li ma jikkonformax ma' dawk id-dispożizzjonijiet.

(3)

L-Artikoli 25(7) u 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedu li d-dikjarazzjoni ta' konformità tiddikjara b'mod ċar għaliex l-amministratur iqis li jkun xieraq li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Għaldaqstant jenħtieġ li l-mudelli jirrekjedu spjegazzjoni separata għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet li ma tiġix applikata mill-amministratur.

(4)

L-eżenzjonijiet fakultattivi fir-rigward tal-parametri referenzjarji sinikanti fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huma subsett tal-eżenzjonijiet potenzjali għal parametri referenzjarji mhux sinifikanti fl-Artikolu 26(1) tal-istess Regolament. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn iż-żewġ standards tekniċi ta' implimentazzjoni rikjesti fl-Artikolu 25(8) u l-Artikolu 26(5) fir-rigward ta' dawk l-eżenzjonijiet u sabiex jiġi evitat piż amministrattiv potenzjali mhux meħtieġ fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji, huwa mixtieq li dawn l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni jinġabru f'Regolament wieħed.

(5)

L-amministraturi jistgħu jagħżlu li jużaw dikjarazzjoni ta' konformità waħda għal grupp ta' parametri referenzjarji, sakemm dan tippermetti l-identifikazzjoni ċara tad-dispożizzjonijiet li l-amministratur ikun għażel li ma japplikax għal kull parametru referenzjarju kopert mid-dikjarazzjoni ta' konformità. Il-parametri referenzjarji sinifikanti u dawk mhux sinifikanti ma għandhomx jiġu inklużi f'dikjarazzjoni ta' konformità waħda. Jekk grupp ta' parametri referenzjarji ikun jinkludi parametri referenzjarji sinifikanti u oħrajn mhux sinifikanti iridu jitħejjew tal-anqas żewġ dikjarazzjonijiet ta' konformità.

(6)

Jinħtieġ li l-amministraturi jingħataw biżżejjed żmien biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika xahrejn wara li jkun daħal fis-seħħ,

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(8)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Mudelli tad-dikjarazzjoni ta' konformità

1.   Il-mudell tad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huwa stipulat fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-mudell tad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011 huwa stipulat fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-29 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


ANNESS I

Mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Entrata

Kaxxa tat-test

A.   Informazzjoni Ġenerali

1.

Id-data ta' meta nħoloq dan id-dokument u, fejn japplika, ta' meta ġie aġġornat l-aħħar

1.

Maħluq: [jj/xx/ss]

L-aħħar darba li ġie aġġornat: [jj/xx/ss]

2.

Isem l-amministratur

2.

[Kif jidher fir-“Reġistru tal-amministraturi u l-parametri referenzjarji” ppubblikat mill-ESMA]

3.

Awtorità Nazzjonali Kompetenti Rilevanti

3.

[L-awtorità kompetenti li awtorizzat jew irreġistrat l-amministratur f'konformità mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011]

It-taqsima li jmiss:

tidentifika l-parametru referenzjarju sinifikanti jew il-parametri referenzjarji sinifikanti li għalihom ma japplikawx xi dispożizzjonijiet,

tidentifika d-dispożizzjonijiet li l-amministratur għażel li ma japplikax, u

tispjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax ma' kull dispożizzjoni bħal din.

Jekk dan id-dokument ikun relatat ma' aktar minn parametru referenzjarju sinifikanti wieħed ipprovdut mill-amministratur, trid timtela taqsima separata għal kull sett ta' parametri referenzjarju li għalih:

id-dispożizzjonijiet li l-amministratur jagħżel li ma japplikax ikunu l-istess għal dawk il-parametri referenzjarji kollha, u

għal kull dispożizzjoni, l-ispjegazzjoni għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni tkun l-istess għall-parametri referenzjarji kollha.

B.    [Ikteb isem l-amministratur kif stipulat fl-entrata 2 tat-taqsima A] jagħżel li ma japplikax id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-parametru referenzjarju sinifikanti jew tal-parametri referenzjarji sinifikanti identifikati hawn taħt

1.

Il-parametru referenzjarju jew paramatri referenzjarji li għalihom ma tapplikax/japplikawx id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet li ġejjin

1.

[Ikteb isem il-parametru referenzjarju, jew ta' kull wieħed mill-parametri referenzjarji, fosthom in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tiegħu jew tagħhom jew, fejn ma hemmx ISIN, kwalunkwe identifikatur ieħor li jkun disponibbli]

2.

Indikazzjoni ta' fejn id-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju għall-parametru referenzjarju rilevanti jew għal kull wieħed mill-parametri referenzjarji rilevanti hija ppubblikata

2.

[eż. il-ħolqa tal-paġna web]

3.

(i)

Id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li ma japplikawx

(ii)

Għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet spjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni partikolari

3(i)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb in-numru tal-Artikolu, il-paragrafu u, fejn japplika, il-punt speċifiku tar-Regolament (UE) 2016/1011 u t-test sħiħ tad-dispożizzjoni]

3(ii)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb spjegazzjoni speċifika, dettaljata u ċara dwar għala mhuwiex xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni, b'kunsiderazzjoni tan-natura u l-impatt tal-parametru referenzjarju jew parametri referenzjarji u d-daqs tal-amministratur.]

ANNESS II

Mudell għad-dikjarazzjoni ta' konformità msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2016/1011

Entrata

Kaxxa tat-test

A.   Informazzjoni Ġenerali

1.

Id-data ta' meta nħoloq dan id-dokument u, fejn japplika, ta' meta ġie aġġornat l-aħħar

1.

Maħluq: [jj/xx/ss]

L-aħħar darba li ġie aġġornat: [jj/xx/ss]

2.

Isem l-amministratur

2.

[Kif jidher fir-“Reġistru tal-amministraturi u l-parametri referenzjarji” ppubblikat mill-ESMA]

It-taqsima li jmiss:

tidentifika l-parametru referenzjarju jew il-parametri refererenzjarji mhux sinifikanti li għalihom ma japplikawx xi dispożizzjonijiet,

tidentifika d-dispożizzjonijiet li l-amministratur għażel li ma japplikax, u

tispjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax ma' kull dispożizzjoni bħal din.

Jekk dan id-dokument jirrelata ma' familja ta' parametri referenzjarji mhux sinifikanti pprovduta mill-amministratur, trid timtela taqsima separata għal kull grupp ta' parametri referenzjarji li għalih:

id-dispożizzjonijiet li l-amministratur jagħżel li ma japplikax ikunu l-istess għal dawk il-parametri referenzjarji kollha, u

għal kull dispożizzjoni, l-ispjegazzjoni għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni tkun l-istess għall-parametri referenzjarji kollha.

B.    [Ikteb isem l-amministratur kif stipulat fl-entrata 2 tat-taqsima A] jagħżel li ma japplikax id-dispożizzjonijiet li ġejjin tar-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-parametru referenzjarju mhux sinifikanti jew tal-parametri referenzjarji mhux sinifikanti identifikati hawn taħt

1.

Il-parametru referenzjarju jew paramatri referenzjarji li għalihom ma tapplikax/japplikawx id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet li ġejjin

1.

[Ikteb isem il-parametru referenzjarju, jew ta' kull wieħed mill-parametri referenzjarji, fosthom in-numru internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN) tiegħu jew tagħhom jew, fejn ma hemmx ISIN, kwalunkwe identifikatur ieħor li jkun disponibbli]

2.

(i)

Id-dispożizzjoni jew dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/1011 li ma japplikawx

(ii)

Għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet spjega għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni partikolari

2(i)

[Għal kull dispożizzjoni ikteb in-numru tal-Artikolu, il-paragrafu u, fejn japplika, il-punt speċifiku tar-Regolament (UE) 2016/1011 u t-test sħiħ tad-dispożizzjoni]

2(ii)

[Għal dispożizzjoni, ikteb spjegazzjoni speċifika, dettaljata u ċara għaliex huwa xieraq li l-amministratur ma jikkonformax mad-dispożizzjoni.]

Rettifika

9.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/13


Rettifika tat-Tlettax-il Direttiva 86/560/KEE tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 1986 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej L 326 tal-21 ta' Novembru 1986 )

(Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 09, Volum 001, p. 129)

Fil-paġna 129, it-titolu,

minflok:

“It-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 1986 fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità …”,

aqra:

“It-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 1986 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta' turnover taxes — Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità …”;

Fil-paġna 129, it-tieni konsiderazzjoni,

minflok:

“Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi ta' ċaqliq ta' flus — Dwar is-sistema Komuni tat-taxxa fuq il-valur mizjud: bażi uniformi ta' stima [1] u partikolarment l-Artikolu 17(4) tagħha,”,

aqra:

“Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [1] u partikolarment l-Artikolu 17(4) tagħha,”;

Fil-paġna 130, l-Artikolu 2(2),

minflok:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu r-rifondi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 bil-kondizzjoni li terzi Stati jagħtu vantaġġi simili rigward taxxi fuq ċaqliq ta' flus.”,

aqra:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw ir-rifondi msemmija fil-paragrafu 1 għall-kondizzjoni li Stati terzi jagħtu vantaġġi simili rigward turnover taxes.”.