ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 199I

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
7 ta' Awwissu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1100 tas-6 ta' Ġunju 2018 li jemenda l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1101 tat-3 ta' Awwissu 2018 li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

7

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2018/1102 tas-6 ta' Ġunju 2018 li temenda l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-Iran

11

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

7.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 199/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1100

tas-6 ta' Ġunju 2018

li jemenda l-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2271/96 jikkumbatti l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-liġijiet, inklużi regolamenti u strumenti leġislattivi oħra adottati minn pajjiżi terzi, u ta' azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, fejn din l-applikazzjoni taffettwa l-interessi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-Unjoni, involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f'attivitajiet kummerċjali relatati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament jirrikonoxxi li permezz tal-applikazzjoni extraterritorjali tagħhom, strumenti bħal dawn jiksru d-dritt internazzjonali.

(3)

L-istrumenti ta' pajjiżi terzi li għalihom japplika r-Regolament (KE) Nru 2271/96 huma speċifikati fl-Anness għal dak ir-Regolament.

(4)

Fit-8 ta' Mejju 2018, l-Istati Uniti ħabbret li mhux se tibqa' tidderoga l-miżuri restrittivi nazzjonali tagħha marbutin mal-Iran. Xi wħud minn dawk il-miżuri għandhom applikazzjoni extraterritorjali u jikkawżaw effetti negattivi fuq l-interessi tal-Unjoni u l-interessi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi li jeżerċitaw drittijiet skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Jenħtieġ għalhekk li l-Anness ta' dan ir-Regolament jiġi emendat biex jinkludi dawk il-miżuri restrittivi.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 huwa sostitwit bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1.


ANNESS

LIĠIJIET, REGOLAMENTI U STRUMENTI LEĠISLATTIVI L-OĦRA

Nota: Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-istrumenti inklużi fl-dan l-Anness huma miġbura biss għal skopijiet ta' informazzjoni. Il-ħarsa ġenerali sħiħa tad-dispożizzjonijiet u l-kontenut eżatt tagħhom tista' tinstab fl-istrumenti rilevanti.

PAJJIŻ: L-ISTATI UNITI TAL-AMERKA

L-ATTI

1.   “National Defense Authorization Act for Fiscal Year 1993”, Title xvii “Cuban Democracy Act 1992”, sections 1704 and 1706

Il-konformità meħtieġa:

Ir-rekwiżiti huma kkonsolidati fit-Titolu I tal-“Att dwar il-Libertà Kubana u s-Solidarjetà Demokratika tal-1996”, ara iżjed 'l isfel.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

L-obbligazzjonijiet assunti issa ġew inkorporati fl-“Att dwar il-Libertà u s-Solidarjetà Demokratika Kubana tal-1996”, ara iżjed 'l isfel.

2.   “L-att dwar il-libertà Kubana u s-solidarjetà demokratika tal-1996”

Titolu I

Il-konformità meħtieġa:

Biex ikun hemm konformità mal-embargo ekonomiku u finanzjarju fuq Kuba mill-Istati Uniti, billi, fost l-oħrajn, ma jiġux esportati lill-Istati Uniti kwalunkwe oġġetti jew servizzi ta' oriġini Kubana jew trasportati materjali jew oġġetti li joriġinaw minn Kuba kemm direttament kif ukoll permezz ta' pajjiżi terzi, ma tiġix innegozjata merkanzija li hi jew li tinsab jew ittrasportata jew li għaddiet minn ġo Kuba, ma ssirx riesportazzjoni taz-zokkor li joriġina minn Kuba lejn l-Istati Uniti mingħajr ma jkun hemm notifikazzjoni mill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-esportatur jew ma jiġux importati għal ġol-Istati Uniti prodotti taz-zokkor mingħajr assigurazzjoni li dawk il-prodotti ma jkunux prodotti ta' Kuba, jiġu ffriżati assi Kubani, u n-negozji finanzjarji ma' Kuba.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Il-projbizzjoni li titgħabba jew tinħatt merkanzija minn bastiment fi kwalunkwe post ġewwa l-Istati Uniti jew li tiddaħħal ġo port fl-Istati Uniti; iċ-ċaħda li jiġu impurtati kwalunkwe oġġetti jew servizzi li joriġinaw minn Kuba u li jiġi impurtati f'Kuba oġġetti jew servizzi li joriġinaw fl-Istati Uniti, l-imblukkar ta' kummerċ finanzjarju li jinvolvi lil Kuba.

It-Titolu III u t-Titolu IV:

Il-konformità meħtieġa:

Biex jintemm “it-traffikar” fil-proprjetà, li qabel kienet tappartjeni lil persuni tal-Istati Uniti (inklużi l-Kubani li kisbu ċ-ċittadinanza tal-Istati Uniti) u li ġiet esproprjata mir-reġim Kuban. (It-traffikar jinkludi: l-użu, il-bejgħ, it-trasferiment, il-kontroll, l-immaniġġjar u attivitajiet oħrajn għall-benefiċċju ta' persuna).

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Proċedimenti legali fl-Istati Uniti, ibbażati fuq imputabilità li diġà teżisti, kontra ċittadini jew kumpaniji tal-UE involuti fit-traffikar, li jwasslu għal sentenzi/deċiżjonijiet biex jitħallas kumpens (multiplu) lill-parti tal-Istati Uniti. Iċ-ċaħda mid-dħul fl-Istati uniti ta' persuni involuti fit-traffikar, inklużi l-konjuġi, it-tfal minorenni u l-aġenti tagħhom.

3.   “Iran Sanctions Act of 1996”

Il-konformità meħtieġa:

 

Biex konsapevolment:

(i)

ma jiġi investit fl-Iran ebda ammont akbar minn USD 20 miljun matul il-perjodu ta' 12-il xahar li jikkontribwixxi direttament u b'mod sinifikanti favur tkabbir fl-abbiltà Iranjana biex dawn jiżviluppaw ir-riżorsi tagħhom taż-żejt;

(ii)

ma jiġux ipprovduti lill-Iran oġġetti, servizzi jew xi tipi oħra ta' appoġġ bil-valur ta' USD 1 miljun jew iktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 5 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar, li jista' direttament u sostanzjalment jiffaċilita ż-żamma jew l-espansjoni tal-produzzjoni domestika tal-Iran ta' prodotti tal-petroleum raffinat jew il-kapaċità tiegħu li jiżviluppa riżorsi tal-petroleum li jinsabu fl-Iran;

(iii)

ma jiġux ipprovduti lill-Iran oġġetti, is-servizzi jew xi tipi oħra ta' appoġġ li jiswa USD 250 000 jew aktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 1 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar, li jista' direttament u b'mod sinifikanti jikkontribwixxu għaż-żamma jew l-espansjoni ta' produzzjoni domestika mill-Iran ta' prodotti petrokimiċi;

(iv)

ma jiġux ipprovduti lill-Iran (a) prodotti taż-żejt raffinat jew (b) prodotti, servizzi jew tipi oħra ta' appoġġ li jistgħu direttament u b'mod sinifikanti jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Iran li jimporta prodotti tal-petroleum raffinat, li għandhom valur ta' USD 1 miljun jew iktar, jew ta' valur aggregat ta' USD 5 miljun jew aktar fuq perjodu ta' 12-il xahar;

(v)

ma jkunx hemm parteċipazzjoni f'impriża konġunta għall-iżvilupp ta' riżorsi tal-petroleum barra l-Iran stabbilita fl-1 ta' Jannar 2002 jew wara u li fih l-Iran jew il-Gvern tiegħu għandu interess partikolari;

(vi)

ma jiġux involuti fit-trasport taż-żejt mhux maħdum mill-Iran jew jaħbu l-oriġini Iranjana tal-merkanzija li tikkonsisti f'żejt mhux maħdum u prodotti tal-petroleum raffinat;

 

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew akkwist għall-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni mill-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet ta' proprjetà soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew ċaħda ta' assistenza minn EXIM-Bank, restrizzjonijiet għall-ħatt l-art u għad-dħul fil-port għall-bastimenti.

4.   “Iran Freedom and Counter-Proliferation Act of 2012”

Il-konformità meħtieġa:

 

Biex konsapevolment:

(i)

ma jingħatax appoġġ sinifikanti, inkluż billi jiġu ffaċilitati tranżazzjonijiet finanzjarji sinifikanti, jew oġġetti u servizzi, lil jew f'isem ċerti persuni li joperaw fis-setturi tal-portijiet, tal-enerġija, tat-trasport bil-baħar, tal-bini tal-bastimenti fl-Iran, jew kwalunkwe persuna Iranjana inkluża fil-lista ta' ċittadini deżinjati speċifikament u persuni mblukkati;

(ii)

ma jsirx kummerċ ta' oġġetti u servizzi sinifikanti użati b'konnessjoni mas-setturi tal-enerġija, tat-tbaħħir jew tal-bini ta' bastimenti tal-Iran;

(iii)

ma jinxtrawx żejt u prodotti taż-żejt mill-Iran u ma jittwettqux tranżazzjonijiet finanzjarji relatati magħhom, f'ċirkostanzi speċifiċi;

(iv)

ma jsirux jew ma jiġux iffaċilitati tranżazzjonijiet għall-kummerċ ta' gass naturali lejn jew mill-Iran (dan japplika għal istituzzjonijiet finanzjarji barranin);

(v)

ma jsirx kummerċ mal-Iran f'metalli prezzjużi, grafit, metalli mhux maħduma jew nofshom maħduma, jew softwer li jistgħu jintużaw f'setturi speċifiċi jew jinvolvu ċerti persuni; u lanqas jiffaċilitaw tranżazzjoni finanzjarja sinifikanti b'konnessjoni ma' dan il-kummerċ;

(vi)

ma jiġux ipprovduti servizzi ta' sottoskrizzjoni, assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal attivitajiet speċifiċi, inklużi iżda mhux limitati għal dawk taħt il-punti (i) u (ii) hawn fuq, jew għal kategoriji speċifiċi ta' persuni;

Ċerti eċċezzjonijiet japplikaw skont in-natura tal-kummerċ jew tat-tranżazzjoni u l-livell ta' diliġenza applikata.

 

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew l-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni mill-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet ta' proprjetà soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew rifjut ta' assistenza minn EXIM-Bank, projbizzjonijiet u limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

5.   “National Defense Authorization Act for Fiscal Year 2012”

Il-konformità meħtieġa:

 

Biex konsapevolment ma titwettaqx jew tiġi ffaċilitata kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja mal-Bank Ċentrali tal-Iran jew istituzzjoni finanzjarja Iranjana deżinjata oħra (tapplika għal istituzzjonijiet finanzjarji barranin).

 

Eċċezzjonijiet għal tranżazzjonijiet marbuta mal-ikel u l-mediċini u għal tranżazzjonijiet marbuta maż-żejt skont ċirkostanzi speċifiċi.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Pieni ċivili u kriminali; projbizzjonijiet u limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

6.   “Iran Threat Reduction and Syria Human Rights Act of 2012”

Il-konformità meħtieġa:

 

Biex konsapevolment:

(i)

ma jiġux ipprovduti servizzi ta' sottoskrizzjoni, tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għal ċerti persuni Iranjani;

(ii)

ma jiġix iffaċilitat il-ħruġ ta' dejn sovran Iranjan, jew ta' dejn ta' entitajiet ikkontrollati minn dan tal-aħħar;

(iii)

ma jkunx hemm involviment fi kwalunkwe tranżazzjoni direttament jew indirettament mal-Gvern tal-Iran jew kwalunkwe persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni tal-Gvern Iranjan ipprojbita skont il-liġi tal-Istati Uniti (tapplika għal sussidjarji barranin bi sjieda jew kontroll ta' persuni tal-Istati Uniti);

(iv)

ma jiġux ipprovduti servizzi ta' messaġġi finanzjarji speċjalizzati, jew li jippermettu jew jiffaċilitaw aċċess dirett jew indirett għal tali servizzi ta' messaġġi għall-Bank Ċentrali tal-Iran jew istituzzjoni finanzjarja li l-interessi tagħha fil-proprjetà jinsabu bblukkati f'konnessjoni mal-attivitajiet ta' proliferazzjoni tal-Iran.

Fir-rigward ta' (i), hemm eċċezzjonijiet għall-għajnuna umanitarja, il-provvista tal-ikel u prodotti mediċinali, u skont il-livell ta' diliġenza dovuta applikata.

 

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Miżuri li jillimitaw l-importazzjonijiet lejn l-Istati Uniti jew l-akkwist għall-Istati Uniti, projbizzjoni ta' deżinjazzjoni bħala negozjant primarju jew bħala repożitorju ta' fondi tal-Gvern tal-Istati Uniti, iċ-ċaħda tal-aċċess għal self minn istituzzjonijiet finanzjarji tal-Istati Uniti jew trasferimenti permezz ta' tali istituzzjonijiet, il-projbizzjoni ta' tranżazzjonijiet f'muniti barranin soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjoni minn proprjetà tal-Istati Uniti, il-projbizzjoni ta' transazzjonijiet soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti, jew rifjut ta' assistenza minn EXIM-Bank, il-projbizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-ftuħ u ż-żamma ta' kontijiet korrispondenti fl-Istati Uniti.

IR-REGOLAMENTI

“Iranian Transactions and Sanctions Regulations”

Il-konformità meħtieġa:

 

Li ma jiġux riesportati kwalunkwe merkanzija, teknoloġija, jew servizzi li (a) ikunu ġew esportati mill-Istati Uniti tal-Amerika u (b) ikunu soġġetti għal regoli ta' kontroll fuq l-esportazzjoni fl-Istati Uniti, jekk l-esportazzjoni ssir b'għarfien jew raġuni għal għarfien li huwa speċifikament maħsub biex l-Iran jew il-Gvern tiegħu.

 

Oġġetti sostanzjalment trasformati f'prodott magħmul barra mill-Istati Uniti, u oġġetti inkorporati f'dan it-tip ta' prodott u li jirrappreżentaw inqas minn 10 % tal-valur tiegħu mhumiex soġġetti għall-projbizzjoni.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

 

Impożizzjoni ta' pieni ċivili, multi u priġunerija.

 

►C1 1. 31 CFR◄ (Kodiċi tar-Regolamenti Federali) il-Kapitolu. V (7-1-95 edizzjoni) il-Parti 515 — Regolamenti għall-Kontroll tal-Assi Kubani, subparti B (Projbizzjonijiet), E (Liċenzji, Awtorizzazzjonijiet u Stqarrijiet dwar Regolamenti fuq il-Licenzjar) u G (Pieni)

Il-konformità meħtieġa:

Il-projbizzjonijiet ġew imsaħħa taħt Titolu I tal-“Cuban Liberty and Democratic Solidarity Act of 1996”, ara aktar 'il fuq. Barra minn dan, tirrikjedi l-kisba ta' liċenzji u/jew awtorizzazzjonijiet dwar l-attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu ma' Kuba.

Id-danni possibbli għall-interessi tal-UE:

Multi, qbid, priġunerija f'każi ta' vjolazzjoni.


7.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 199/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1101

tat-3 ta' Awwissu 2018

li jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta' Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni extraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2271/96 jipprovdi protezzjoni kontra u jikkumbatti l-effetti illegali tal-applikazzjoni extraterritorjali ta' xi liġijiet elenkati, inklużi regolamenti u strumenti leġiżlattivi oħra adottati minn pajjiżi terzi, u ta' azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom, fejn din l-applikazzjoni taffettwa l-interessi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi imsemmija fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament involuti fil-kummerċ internazzjonali u/jew fil-moviment tal-kapital u f'attivitajiet kummerċjali relatati bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 2271/96 jirrikonoxxi li dawn il-liġijiet, inklużi regolamenti u strumenti leġiżlattivi oħra, permezz tal-applikazzjoni extraterritorjali tagħhom, jiksru l-liġi internazzjonali.

(3)

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96, il-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament m'għandhomx jikkonformaw direttament jew permezz ta' persuna intermedjarja oħra, attivament jew b'omissjoni deliberata ma' kwalunkwe ħtieġa jew projbizzjoni, inklużi talbiet ta' qrati barranin ibbażati fuq jew li jirriżultaw minn liġijiet bħal dawn jew minn azzjonijiet ibbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

(4)

Madankollu, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 jippermetti lill-persuni msemmija fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament biex jitolbu awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni sabiex jikkonformaw bis-sħiħ jew parzjalment ma' ħtieġa jew projbizzjoni bħal din sal-punt li jekk dan ma jsirx jkun ta' dannu serju għall-interessi tagħhom u dawk tal-Unjoni.

(5)

Biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza legali, kif ukoll biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 filwaqt li jitqies, f'ċirkostanzi speċifiċi u ġustifikati, ir-riskju ta' dannu serju għall-interess ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 11 ta' dak ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96

(6)

B'ħarsa lejn ir-rwol tal-Kummissjoni li tissorvelja l-implimentazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE li tinkludi r-Regolament (KE) Nru 2271/96, il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-applikazzjoni tar-Regolament preżenti u tadotta kwalunkwe adattament meħtieġ skont il-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tiegħu.

(7)

Għandhom jiġu stabbiliti wkoll il-passi ewlenin tal-proċedura wara l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex tikkonforma kompletament jew parzjalment ma' rekwiżit jew projbizzjoni bħal dawn.

(8)

Kwalunkwe pproċessar ta' datapersonali ta' persuni fiżiċi skont dan ir-Regolament għandha tirrispetta r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(9)

Applikazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom jikkonċernaw azzjonijiet jew omissjonijiet ibbażati fuq jew li jirriżultaw direttament jew indirettament mill-applikazzjoni tal-liġijiet speċifikati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 jew azzjonijiet ibbazati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom.

(10)

L-ipproċessar tal-applikazzjoni għandu jsir malajr kemm jista' jkun.

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Leġiżlazzjoni Extraterritorjali u ġew adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament u tal-Kunsill (4).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tar-Regolament (KE) Nru 2271/96.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata” tfisser il-liġijiet, regolamenti jew strumenti leġiżlattivi oħra speċifikati fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 2271/96, inklużi regolamenti u strumenti leġiżlattivi oħra bbażati fuqhom jew li jirriżultaw minnhom;

(b)

“azzjonijiet sussegwenti” tfisser azzjonijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew li jirriżultaw minnha;

(c)

(“nuqqas ta' konformità” tfisser nuqqas ta' konformità b'azzjonijiet diretti jew omissjonijiet deliberati ma' rekwiżit jew projbizzjonijiet, inklużi talbiet ta' qrati barranin, ibbażati fuq jew li jirriżultaw, direttament jew indirettament, mil-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew minn azzjonijiet sussegwenti;

(d)

“interess protett” tfisser l-interess ta' kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96, jew tal-Unjoni jew tat-tnejn li huma;

(e)

“applikant” tfisser kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 li tapplika għal awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96.

Artikolu 3

Preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet

1.   L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96 għandha tiġi ppreżentata bil-miktub lil:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments

EEAS 07/99

B-1049 Brussels, Belgium

EC-AUTHORISATIONS-BLOCKING-REG@ec.europa.eu

2.   L-applikazzjonijiet għandhom jinkludu l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-applikant, jindikaw id-dispożizzjoni preċiża tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew l-azzjoni sussegwenti involuta, u għandha tiddeskrivi l-ambitu tal-awtorizzazzjoni li tkun qed tintalab u d-dannu li tkun ikkawżata min-nuqqas ta' konformità.

3.   Fl-applikazzjoni tagħhom l-applikanti jridu jipprovdu biżżejjed evidenza li n-nuqqas ta' konformità jikkawża dannu serju lil mill-inqas interess protett wieħed.

4.   Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni tista' titlob kjarifika addizzjonali lill-applikant, li għandu jipprovdiha fi żmien perjodu raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-Leġiżlazzjoni Extraterritorjali malli tirċievi l-applikazzjonijiet.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

Meta tevalwa jekk jistax ikun hemm dannu serju lill-interessi protetti msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2271/96, il-Kummissjoni fejn xieraq għandha tikkunsidra, inter alia l-kriterji mhux kumulattivi li jmiss:

(a)

jekk l-interess protett huwiex probabbli li jkun f'risjku speċifiku, skont il-kuntest, in-natura u l-oriġini tad-dannu lill-interess protett;

(b)

l-eżistenza ta' investigazzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja li għaddejja, flimkien mal-formola tal-applikant, jew ftehim minn qabel ta' riżoluzzjoni mal-pajjiż terz li huwa l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata;

(c)

l-eżistenza ta' konnessjoni sostanzjali mal-pajjiż terz li hija l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew l-azzjonijiet sussegwenti; perezempju l-applikant ikollu l-kumpaniji omm jew is sussidjarji, jew parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi suġġett għall-ġuriżdizzjoni primarja tal-pajjiż terz li hija l-oriġini tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata jew l-azzjonijiet sussegwenti;

(d)

jekk il-miżuri jistgħux jittieħdu b'mod raġonevoli mill-applikant biex jevitaw jew itaffu d-dannu;

(e)

l-effett kuntrarju fuq it-twettiq tal-attività ekonomika, b'mod partikolari jekk l-applikant jaffaċċax telf ekonomiku sinifikanti jew le, li pereżempju jista' jhedded il-vijabilità tiegħu jew ikun ta' riskju serju ta' falliment;

(f)

Jekk l-attività tal-applikant tispiċċax eċċessivament diffiċli minħabba telf ta' inputs jew riżorsi essenzjali, li ma jistgħux jiġu sostitwiti b'mod raġonevoli.

(g)

jekk it-tgawdija tad-drittijiet individwali tal-applikant tkunx imxekkla b'mod sinifikanti;

(h)

jekk ikun hemm theddida għas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-ħajja u s-saħħa umana u l-protezzjoni tal-ambjent;

(i)

jekk ikun hemm theddida għall-kapaċità tal-Unjoni li twettaq il-politiki umanitarji, ta' żvilupp jew ta' kummerċ tagħha, jew l-aspetti esterni tal-politiki interni tagħha;

(j)

is-sigurtà ta' forniment ta' oġġetti jew servizzi strateġiċi fi ħdan jew għall-Unjoni jew Stat Membru u l-impatt ta' kwalunkwe nuqqas jew tfixkil għal din;

(k)

Il-konsegwenzi għas-suq intern f'termini ta' moviment liberu ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital, kif ukoll stabilità finanzjarja u ekonomika jew infrastrutturi ewlenin tal-Unjoni;

(l)

l-implikazzjonijiet sistematiċi tad-dannu, b'mod partikolari fir-rigward tal-effetti konsegwenzjali tiegħu f'setturi oħra;

(m)

l-impatt fuq is-suq tal-impjiegi ta' Stat Membru jew ta' diversi Stati Membri u l-konsegwenzi transfruntiera tiegħu fl-Unjoni;

(n)

Kwalunkwe fattur rilevanti ieħor.

Artikolu 5

L-eżitu tal-applikazzjoni

1.   Jekk il-Kummissjoni, wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, ssib biżżejjed evidenza li n-nuqqas ta' konformità jikkawża dannu serju għall-interessi tal-applikant jew tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta minnufih lill-Kumitat dwar il-Leġiżlazzjoni Extraterritorjali abbozz ta' deċiżjoni li jkun fiha l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu.

2.   Jekk, wara li tkun tlestiet il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni ma ssibx biżżejjed evidenza li n-nuqqas ta' konformità jikkawża dannu serju għall-interessi tal-applikant jew tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kumitat dwar il-Leġiżlazzjoni Extraterritorjali abbozz ta' deċiżjoni li tkun tirrifjuta l-applikazzjoni.

3.   Id-Deċiżjoni finali għandha tiġi nnotifikata mill-Kummissjoni lill-applikant mingħajr dewmien.

Artikolu 6

Ipproċessar ta' data

1.   Il-Kummissjoni għandha tipproċessa d-data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament.

2.   Kull proċessar ta' data personali għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, is-Servizz tal-Politika Barranija huwa mfassal bħala “kontrollur” għall-Kummissjoni skont is-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, sabiex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi kkonċernati jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Dħul fis-Seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 29.11.1996, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data(ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


DEĊIŻJONIJIET

7.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 199/11


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1102

tas-6 ta' Ġunju 2018

li temenda l-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-Iran

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Sar progress notevoli fis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, ambjentali u politika fl-Iran mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE.

(2)

F'Novembru 2016, il-Kunsill laqa' l-prospett li jestendi l-Mandat ta' Self Estern tal-Bank Ewropew tal-Investiment għall-Iran.

(3)

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) żiedet lill-Iran mal-lista ta' reġjuni u pajjiżi potenzjalment eliġibbli fl-Anness II ta' dik id-Deċiżjoni.

(4)

Passi konkreti meħudin mill-Iran li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali universali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem se jibqgħu ċentrali għat-tfassil futur tal-politika tal-UE lejn l-Iran.

(5)

Il-Bank ta' Investiment Ewropew jenħtieġ li jkompli japplika politiki u proċessi xierqa biex jipproteġi l-integrità tiegħu, kif ukoll il-fiduċja fil-Bank.

(6)

Għalhekk, il-Kummissjoni, bl-involviment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, vvalutat li s-sitwazzjoni ekonomika, soċjali, ambjentali u politika globali teħtieġ iż-żieda tal-Iran mal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, li tinkludi l-lista ta' reġjuni u pajjiżi eliġibbli għal finanzjament mill-BEI taħt il-garanzija tal-Unjoni.

(7)

Id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Fil-punt C(2) tal-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE, il-kliem “Il-Bangladexx, il-Butan, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldive, il-Mongolja, il-Mjanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen” huma sostitwiti bil-kliem “Il-Bangladesh, il-Bhutan, il-Kambodja, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iran, l-Iraq, il-Laos, il-Malasja, il-Maldivi, il-Mongolja, il-Myanmar/Burma, in-Nepal, il-Pakistan, il-Filippini, is-Sri Lanka, it-Tajlandja, il-Vjetnam, il-Jemen”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 135, 8.5.2014, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2018/412 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE li tagħti garanzija tal-UE lill-Bank Ewropew tal-Investiment kontra telf minn operazzjonijiet ta' finanzjament li jappoġġaw proġetti ta' investiment barra mill-Unjoni (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 30).