ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 150

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
14 ta' Ġunju 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2018/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku ( 1)

93

 

*

Direttiva (UE) 2018/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills ( 1)

100

 

*

Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart ( 1)

109

 

*

Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ( 1)

141

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2018/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 u d-Direttivi 94/63/KE u 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE u 87/217/KEE f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli ta’ proċedura fir-rappurtar fil-qasam tal-ambjent u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE

155

 


 

(1)   Test b’rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/1


REGOLAMENT (UE) 2018/848 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-produzzjoni organika hija sistema globali ta’ ġestjoni tal-azjendi agrikoli u l-produzzjoni tal-ikel li tikkombina l-aħjar prattiki ambjentali u tal-azzjonijiet klimatiċi, livell għoli ta’ bijodiversità, il-preservazzjoni ta’ riżorsi naturali u l-applikazzjoni ta’ standards għoljin ta’ trattament xieraq tal-annimali u standards għoljin ta’ produzzjoni f’konformità mad-domanda dejjem tikber minn għadd ta’ konsumaturi għal prodotti li jiġu prodotti minn sustanzi u proċessi naturali. Għaldaqstant, il-produzzjoni organika għandha rwol soċjetali doppju, fejn min-naħa waħda tipprovdi għal suq speċifiku li jirreaġixxi għad-domanda tal-konsumaturi għal prodotti organiċi u min-naħa l-oħra, tforni prodotti disponibbli pubblikament li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri tal-annimali, kif ukoll għall-iżvilupp rurali.

(2)

L-osservanza ta’ standards għoljin għas-saħħa, l-ambjent u l-benessri tal-annimali fil-produzzjoni ta’ prodotti organiċi hija marbuta intrinsikament mal-kwalità għolja ta’ dawk il-prodotti. Kif enfasizzat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2009 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli, il-produzzjoni organika tifforma parti mill-iskemi tal-kwalità tal-Unjoni tal-prodotti agrikoli, flimkien mal-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali ggarantiti skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u prodotti mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’dan is-sens, il-produzzjoni organika ssegwi l-istess objettivi inklużi fil-politika agrikola komuni (“PAK”), li huma inerenti għall-iskemi kollha tal-kwalità tal-prodotti agrikoli tal-Unjoni.

(3)

B’mod partikolari, l-objettivi tal-politika tal-produzzjoni organika huma integrati fl-objettivi tal-PAK billi jiżguraw li l-bdiewa jirċievu redditu xieraq għall-konformità tagħhom mar-regoli dwar il-produzzjoni organika. Barra minn hekk, id-domanda li qed tikber tal-konsumaturi għall-prodotti organiċi toħloq kondizzjonijiet għal żvilupp ulterjuri u espansjoni tas-suq f’dawk il-prodotti u għaldaqstant għal żieda fir-redditu tal-bdiewa involuti fil-produzzjoni organika.

(4)

Barra minn hekk, il-produzzjoni organika hija sistema li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tar-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali fil-PAK u li tippromwovi produzzjoni agrikola sostenibbli. Għal din ir-raġuni ġew introdotti fil-PAK miżuri li jappoġġaw finanzjarjament il-produzzjoni organika, notevolment skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u msaħħan, b’mod partikolari, fir-riforma tal-qafas ġuridiku tal-politika għall-iżvilupp rurali stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(5)

Il-produzzjoni organika tikkontribwixxi wkoll għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika ambjentali tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk indikati fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Settembru 2006 bit-titlu “L-Istrateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija” tat-3 ta’ Mejju 2001 bit-titlu “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” u tas-6 ta’ Mejju 2013 bit-titlu “L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa”. u fil-leġislazzjoni ambjentali bħad-Direttivi 2000/60/KE (8), 2001/81/KE (9), 2009/128/KE (10) u 2009/147/KE (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 91/676/KEE (12) u 92/43/KEE (13).

(6)

Fid-dawl tal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, jenħtieġ li l-qafas legali stabbilit għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika jkollu l-għan li jiżgura kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-prodotti organiċi, li jżomm u jiġġustifika l-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti bit-tikketta organika, u li jipprovdi kondizzjonijiet li taħthom il-politika tista’ tagħmel progress f’konformità mal-iżviluppi tal-produzzjoni u tas-suq.

(7)

Il-prijoritajiet politiċi tal-istrateġija Ewropa 2020, stabbiliti fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titlu “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, jinkludu il-kisba ta’ ekonomija kompetittiva msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, it-trawwim ta’ ekonomija b’livell għoli ta’ impjieg li twassal għal koeżjoni soċjali u territorjali u li tappoġġa l-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi b’livell baxx ta’ karbonju. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-politika tal-produzzjoni organika tipprovdi lill-operaturi bl-għodod xierqa sabiex jidentifikaw u jippromwovu aħjar il-prodotti tagħhom filwaqt li tipproteġihom kontra prattiki inġusti.

(8)

Is-settur tal-biedja organika fl-Unjoni żviluppa malajr matul is-snin li għaddew, mhux biss f’termini taż-żona użata għall-biedja organika, iżda wkoll f’termini tal-għadd ta’ azjendi u l-għadd kumplessiv ta’ operaturi organiċi rreġistrati fl-Unjoni.

(9)

Fid-dawl tal-evoluzzjoni dinamika tas-settur organiku, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (14) identifika l-ħtieġa ta’ eżami futur tar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni organika, b’kont meħud tal-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli. Ir-riżultati ta’ dak l-eżami mwettaq mill-Kummissjoni juru li l-qafas legali tal-Unjoni li jirregola l-produzzjoni organika jenħtieġ li jiġi mtejjeb biex jiġu previsti r-regoli li jikkorrispondu għall-aspettattivi għoljin tal-konsumaturi u li jiggarantixxu ċarezza suffiċjenti għal dawk li huma indirizzati lejhom. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 834/2007 jitħassar u jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(10)

L-esperjenza miksuba sa issa bl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 turi l-bżonn li jiġi kkjarifikat għal liema prodotti japplika dan ir-Regolament. Jenħtieġ li primarjament ikopri l-prodotti li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluż prodotti tal-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Barra minn hekk, jenħtieġ li jkopri l-prodotti agrikoli pproċessati għall-użu bħala ikel jew għalf minħabba li t-tqegħid ta’ tali prodotti fis-suq bħala prodotti organiċi jipprovdi suq disponibbli kbir għall-prodotti agrikoli u jiżgura li n-natura organika tal-prodotti agrikoli li minnhom huma pproċessati tkun viżibbli għall-konsumaturi. Bl-istess mod, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikopri ċerti prodotti oħrajn li huma marbuta mill-qrib mal-prodotti agrikoli b’mod simili bħala prodotti agrikoli pproċessati biex jintużaw bħala ikel u għalf minħabba li dawk il-prodotti l-oħrajn jew jikkostitwixxu suq disponibbli kbir għall-prodotti agrikoli jew jiffurmaw parti integrali tal-proċess ta’ produzzjoni. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-melħ tal-baħar u mluħa oħra li jintużaw għall-ikel u għall-għalf jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minħabba li jistgħu jiġu prodotti bl-applikazzjoni ta’ tekniki ta’ produzzjoni naturali, u minħabba li l-produzzjoni tagħhom tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ żoni rurali, u għaldaqstant taqa’ fi ħdan l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li prodotti oħrajn bħal dawn li mhumiex elenkati fl-Anness I għat-TFUE jiġu elenkati f’Anness għal dan ir-Regolament.

(11)

Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 TFUE tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Hu partikolarment importanti li waqt il-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (15). B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin mal-esperti tal-Istati Membri, u b’mod sistematiku l-esperti tagħhom ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(12)

Sabiex jittieħed kont ta’ metodi ta’ produzzjoni ġodda, ta’ materjali ġodda jew ta’ impenji internazzjonali, jenħtieġ li s-setgħa tal-adozzjoni ta’ ċerti atti tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-estensjoni tal-lista ta’ prodotti oħrajn marbuta mill-qrib mal-agrikoltura li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Jenħtieġ li prodotti koperti minn dan ir-Regolament iżda li joriġinaw mill-kaċċa jew mis-sajd ta’ annimali selvaġġi ma jitqiesux bħala organiċi minħabba li l-proċess ta’ produzzjoni tagħhom ma jistax jiġi kkontrollat għalkollox.

(14)

Minħabba n-natura lokali tal-operazzjonijiet ta’ forniment tal-ikel għall-massa, il-miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri u l-iskemi privati f’dan il-qasam jitqiesu adegwati sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq uniku. Għalhekk, jenħtieġ li l-ikel ippreparat minn fornituri tal-ikel għall-massa fil-bini tagħhom ma jkunx soġġett għal dan ir-Regolament u għaldaqstant jenħtieġ li ma jiġix ittikkettat jew reklamat bil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea.

(15)

Proġetti ta’ riċerka wrew li l-fiduċja tal-konsumatur hija kruċjali fis-suq tal-ikel organiku. Fuq perijodu ta’ żmien twil, ir-regoli li mhumiex affidabbli jistgħu jipperikolaw il-fiduċja pubblika u jwasslu għall-falliment tas-suq. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika fl-Unjoni jkun ibbażat fuq regoli sodi dwar il-produzzjoni li huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni u li jissodisfaw l-aspettattivi tal-operaturi u tal-konsumaturi rigward il-kwalità tal-prodotti organiċi u l-konformità mal-prinċipji u r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(16)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni relatata, b’mod partikolari fl-oqsma tas-sikurezza tal-katina alimentari, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-materjal riproduttiv tal-pjanti, it-tikkettar u l-ambjent.

(17)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għall-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni organika u l-effetti pożittivi tagħha fuq l-ambjent, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern fil-prodotti organiċi kif ukoll il-kompetizzjoni ġusta, biex b’hekk il-bdiewa jiġu megħjuna jiksbu introjtu ġust, tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur, jiġu protetti l-interessi tal-konsumaturi u jiġu inkoraġġuti kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjonijiet lokali. Jenħtieġ li dawn l-objettivi jinkisbu permezz tal-konformità mal-prinċipji ġenerali u speċifiċi u mar-regoli dwar il-produzzjoni ġenerali u dettaljati applikabbli għall-produzzjoni organika.

(18)

Fid-dawl tal-partikolaritajiet tas-sistemi ta’ produzzjoni organika, jenħtieġ li l-għażla tal-varjetajiet ta’ pjanti tiffoka fuq il-prestazzjoni agronomika, id-diversità ġenetika, ir-reżistenza għall-mard, it-tul tal-ħajja, u l-adattament għad-diversi kundizzjonijiet tal-ħamrija u l-klima lokali, u jenħtieġ li tirrispetta l-limiti naturali għall-inkroċjar.

(19)

Ir-riskju ta’ nonkonformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika huwa kkunsidrat li huwa ogħla f’azjendi agrikoli li jinkludu unitajiet li mhumiex ġestiti skont dawk ir-regoli. Għaldaqstant, wara perijodu ta’ konverżjoni xieraq, l-azjendi agrikoli kollha fl-Unjoni li għandhom l-għan li jsiru organiċi jenħtieġ li jiġu ġestiti fl-intier tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika. Madankollu, jenħtieġ li taħt ċerti kondizzjonijiet ikunu permessi azjendi li jinkludu kemm unitajiet ġestiti skont regoli dwar il-produzzjoni organika kif ukoll unitajiet ġestiti skont regoli dwar il-produzzjoni mhux organika, fosthom b’mod partikolari il-kondizzjoni tas-separazzjoni ċara u effettiva bejn l-unitajiet ta’ produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni, u dik mhux organika u bejn il-prodotti li jiġu prodotti minn dawk l-unitajiet.

(20)

Peress li l-użu ta’ inputs esterni jenħtieġ li jkun ristrett fil-produzzjoni organika, jenħtieġ li jiġu identifikati ċerti objettivi li għalihom spiss jintużaw prodotti u sustanzi fil-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli jew prodotti agrikoli pproċessati. Meta normalment jintużaw għal dawk l-objettivi, jenħtieġ li l-użu ta’ prodotti jew sustanzi jkun permess biss meta dawn ikunu ġew awtorizzati f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li tali awtorizzazzjoni tkun valida biss sakemm l-użu ta’ tali inputs esterni fil-produzzjoni mhux organika ma jkunx projbit mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li tkun bbażata fuq il-liġi tal-Unjoni. L-użu ta’ prodotti jew sustanzi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, jew li dawn il-prodotti huma magħmula minnhom, minbarra sustanzi attivi, jenħtieġ li jkun permess fil-produzzjoni organika dment li l-użu tagħhom huwa awtorizzat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u dment li la t-tqegħid fis-suq ta’ dawk il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u lanqas l-użu ta’ dawk il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mhuwiex projbit mill-Istati Membri skont dak ir-Regolament.

(21)

Meta l-azjenda kollha jew partijiet mill-azjenda huma maħsuba biex jipproduċu prodotti organiċi, jenħtieġ li jkunu soġġetti għal perijodu ta’ konverżjoni li matulu jiġu ġestiti skont regoli dwar il-produzzjoni organika, iżda ma jkunux jistgħu jipproduċu prodotti organiċi. Jenħtieġ li l-prodotti jkunu jistgħu biss jitqiegħdu fis-suq bħala prodotti organiċi meta jkun għadda l-perijodu ta’ konverżjoni. Jenħtieġ li dak il-perijodu ma jibdiex qabel ma l-bidwi jew l-operatur li jipproduċi l-alga jew l-annimali tal-akkwakultura jkun innotifika dik il-konverżjoni għall-produzzjoni organika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun tinstab l-azjenda, u għalhekk ikun soġġett għas-sistema ta’ kontrolli li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu b’mod retroattiv jirrikonoxxu perijodi qabel id-data tan-notifika bħala perijodi ta’ konverżjoni biss fejn l-azjenda jew il-partijiet rilevanti tagħha jkunu ġew soġġetti għal miżuri agroambjentali appoġġati minn fondi tal-Unjoni jew li jkunu żoni naturali jew agrikoli li għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin ma ġewx trattati bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika.

(22)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-produzzjoni organika u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli ulterjuri dwar il-qsim tal-azjendi f’unitajiet ta’ produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni, u dik mhux organika.

(23)

L-użu ta’ radjazzjoni jonizzanti, il-klonazzjoni tal-annimali u l-annimali poliplojdi maħluqa artifiċjalment jew organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”), kif ukoll prodotti li jiġu prodotti minn, jew permezz ta’, OĠM, huwa inkompatibbli mal-kunċett tal-produzzjoni organika u l-perċezzjoni tal-konsumaturi tal-prodotti organiċi. Għalhekk jenħtieġ li tali użu jiġi pprojbit fil-produzzjoni organika.

(24)

Sabiex tiġi appoġġata u ffaċilitata l-konformità ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu miżuri preventivi, f’kull stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, fejn xieraq, sabiex jiġu żgurati l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-kwalità tal-ħamrija, għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-pesti u l-mard u biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-ambjent, is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti. Jenħtieġ li jieħdu wkoll, fejn xieraq, miżuri ta’ prekawzjoni proporzjonati li jkunu taħt il-kontroll tagħhom biex tiġi evitata kontaminazzjoni ma’ prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika f’konformità ma’ dan ir-Regolament u biex jiġi evitat it-taħlit ta’ prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi.

(25)

Il-prodotti li jiġu prodotti matul il-perijodu ta’ konverżjoni jenħtieġ li ma jitqiegħdux fis-suq bħala prodotti organiċi. Sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-konsumaturi jiġu konfużi u mqarrqa, jenħtieġ li dawk il-prodotti lanqas ma jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, ħlief fil-każijiet ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti, prodotti tal-ikel ta’ oriġini mill-pjanti u prodotti tal-għalf ta’ oriġini mill-pjanti li jkollhom ingredjent wieħed biss tal-għelejjel agrikoli, fil-każijiet kollha soġġett għall-kondizzjoni li jkun ġie osservat perijodu ta’ konverżjoni ta’ mill-anqas 12-il xahar qabel il-ħsad.

(26)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati ċerti atti tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli ta’ konverżjoni għal speċijiet oħra tal-annimali.

(27)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-produzzjoni dettaljati fir-rigward tal-produzzjoni tal-pjanti, tal-bhejjem u tal-akkwakultura, inkluż regoli għall-ġbir ta’ pjanti selvaġġi u alga, u fir-rigward tal-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf ipproċessat, kif ukoll tal-inbid u tal-ħmira li jintużaw bħala ikel jew għalf, biex jiġu żgurati l-armonizzazzjoni tal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika u l-konformità ma’ dawk l-objettivi u prinċipji.

(28)

Peress li l-produzzjoni organika tal-pjanti hija bbażata fuq in-nutrizzjoni tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija, jenħtieġ li l-pjanti jiġu prodotti fuq u ġewwa ħamrija ħajja f’kuntatt mas-sottoswol u s-sodda ta’ blat. Konsegwentement, jenħtieġ li ma tkunx permessa l-produzzjoni idroponika, u lanqas it-tkabbir ta’ pjanti f’kontenituri, boroż jew ħammiela fejn l-għeruq ma jkunux f’kuntatt mal-ħamrija ħajja.

(29)

Madankollu, ċerti prattiki ta’ kultivazzjoni mhux relatati mal-ħamrija, bħalma huma l-produzzjoni ta’ żrieragħ imnibbta jew iċ-ċikwejra u il-produzzjoni ta’ pjanti ornamentali u aromatiċi fi qsari li jinbiegħu lill-konsumatur fil-qsari, li għalihom il-prinċipju tal-kultivazzjoni ta’ għelejjel relatata mal-ħamrija mhix adattata jew li għalihom ma jeżisti l-ebda riskju li l-konsumatur jitqarraq fir-rigward tal-metodu ta’ produzzjoni, jenħtieġ li jkunu permessi. Sabiex tiġi ffaċilitata l-produzzjoni organika fi stadju aktar bikri ta’ tkabbir ta’ pjanti, nibbieta li qed jikbru jew trapjanti f’kontenituri għal aktar trapjantar jenħtieġ ukoll li ikunu permessi.

(30)

Il-prinċipju tal-kultivazzjoni tal-għelejjel relatata mal-art u tan-nutrizzjoni tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 834/2007. Madankollu, xi operaturi żviluppaw attività ekonomika billi kabbru pjanti f’“ħammiela demarkati” u ġew iċċertifikati bħala organiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom. Fit-28 ta’ Ġunju 2017 intlaħaq qbil fi ħdan il-proċedura leġislattiva ordinarja li l-produzzjoni organika jenħtieġ li tkun bbażata fuq in-nutrizzjoni tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija u tkun relatata mal-ħamrija, u li t-tkabbir ta’ pjanti f’ħammiela demarkati jenħtieġ li ma jibqax jiġi permess minn dik id-data ’l quddiem. Sabiex l-operaturi li żviluppaw attività ekonomika bħal din sa dik id-data jingħataw il-possibilità li jadattaw, jenħtieġ li huma jitħallew iżommu l-uċuħ ta’ produzzjoni tagħhom, jekk dawn kienu ċċertifikati bħala organiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 qabel dik id-data mill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, għal għaxar snin oħra wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, qabel it-28 ta’ Ġunju 2017 din l-attività kienet biss awtorizzata fl-Unjoni fil-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka. L-użu ta’ ħammiela demarkati fl-agrikoltura organika jenħtieġ li jkun soġġett għal rapport tal-Kummissjoni li għandu jiġi ppubblikat ħames snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(31)

Jenħtieġ li l-produzzjoni organika tal-pjanti tkun tinvolvi l-użu ta’ tekniki ta’ produzzjoni li jipprevjenu jew jimminimizzaw kwalunkwe kontribuzzjoni għall-kontaminazzjoni tal-ambjent.

(32)

Filwaqt li l-agrikultura mhux organika għandha aktar mezzi esterni biex tadatta għall-ambjent biex jinkiseb l-aktar tkabbir possibbli tal-għelejjel, is-sistemi tal-produzzjoni organika tal-pjanti jeħtieġu materjal riproduttiv tal-pjanti li kapaċi jadatta ruħu għar-reżistenza għall-mard, id-diversi kundizzjonijiet tal-ħamrija u l-klima lokali u għall-prattiki speċifiċi tal-agrikoltura organika li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tas-settur organiku. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żviluppat materjal organiku tar-riproduzzjoni tal-pjanti adatt għall-agrikoltura organika.

(33)

Rigward il-ġestjoni u l-fertilizzazzjoni tal-ħamrija, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-prattiki ta’ kultivazzjoni permessi fil-produzzjoni organika tal-pjanti u jenħtieġ li jiġu stipulati kondizzjonijiet għall-użu ta’ fertilizzanti u tejjieba tal-ħamrija.

(34)

Jenħtieġ li l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkun sinifikament ristrett. Jenħtieġ li tingħata preferenza lill-miżuri għall-prevenzjoni ta’ ħsara minn pesti u minn ħaxix ħażin permezz ta’ tekniki li ma jinvolvux l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, bħan-newba tal-għelejjel. Il-preżenza ta’ pesti u ħaxix ħażin jenħtieġ li tkun immonitorjata biex jiġi deċiż jekk hemmx ġustifikazzjoni ekonomika jew ekoloġika biex isir intervent. Madankollu, jenħtieġ li l-użu ta’ ċerti prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkun permess jekk tali tekniki ma jipprovdux protezzjoni adegwata u biss jekk dawk il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ikunu ġew awtorizzati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, wara li jkunu ġew ivvalutati u determinati li huma kompatibbli mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika, inkluż fejn dawk il-prodotti jkunu ġew awtorizzati soġġett għal kondizzjonijiet restrittivi dwar l-użu, u konsegwentement ikunu ġew awtorizzati skont dan ir-Regolament.

(35)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċerti derogi, l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku, ftehimiet bejn l-operaturi ta’ azjendi agrikoli, aktar miżuri għall-ġestjoni tal-pesti u tal-ħaxix ħażin, u aktar regoli ddettaljati u prattiki ta’ kultivazzjoni għal pjanti speċifiċi u għall-produzzjoni tal-pjanti.

(36)

Riċerka fl-Unjoni dwar materjal riproduttiv tal-pjanti li ma jissodisfax id-definizzjoni tal-varjetà fir-rigward tal-uniformità turi li jista’ jkun hemm benefiċċji jekk jintuża tali materjal divers, partikolarment fir-rigward tal-produzzjoni organika, pereżempju biex jitnaqqas it-tixrid tal-mard, biex tittejjeb ir-reżiljenza u biex tiżdied il-bijodiversità.

(37)

Għalhekk, jenħtieġ li materjal riproduttiv tal-pjanti li ma jappartjenix għal varjetà, iżda pjuttost li jappartjeni għal grupp ta’ pjanti fi ħdan klassifika botanika unika b’livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn l-unitajiet riproduttivi individwali, ikun disponibbli

għall-użu fil-produzzjoni organika. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li l-operaturi jkunu permessi jqiegħdu fis-suq materjal riproduttiv ta’ pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku mingħajr ma jkollhom jikkonformaw mal-kategoriji tar-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ materjal prebażiku, bażiku u ċċertifikat jew mar-rekwiżiti ta’ kategoriji oħrajn stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 66/401/KEE (18), 66/402/KEE (19), 68/193/KEE (20), 98/56/KE (21), 2002/53/KE (22), 2002/54/KE (23), 2002/55/KE (24), 2002/56/KE (25), 2002/57/KE (26), 2008/72/KE (27) u 2008/90/KE (28), jew f’atti adottati bis-saħħa ta’ dawk id-Direttivi. Jenħtieġ li dak it-tqegħid fis-suq isir wara notifika lill-korpi responsabbli msemmija f’dawk id-Direttivi, u wara li l-Kummissjoni tkun adottat rekwiżiti armonizzati għal tali materjal, dment li dan jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti.

(38)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ ċerti regoli għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti b’materjal eteroġenju organiku ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari.

(39)

Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-produtturi ta’ prodotti organiċi, titrawwem ir-riċerka u jiġu żviluppati varjetajiet organiċi adatti għall-produzzjoni organika, b’kont meħud tal-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi tal-agrikoltura organika bħal iktar diversità ġenetika, ir-reżistenza jew it-tolleranza għall-mard u l-adattament għall-kundizzjonijiet diversi lokali tal-ħamrija u tal-klima, jenħtieġ li jiġi organizzat esperiment temporanju f’konformità mad-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KEE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE, 2002/56/KE, 2002/57/KE, 2008/72/KE u 2008/90/KE. Jenħtieġ li dak l-esperiment temporanju jkun għal terminu ta’ seba’ snin, jenħtieġ li jinvolvi kwantitajiet suffiċjenti ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti u jenħtieġ li jkun soġġett għal rapportar annwali. Jenħtieġ li jgħin biex jiġu stabbiliti l-kriterji għad-deskrizzjoni tal-karatteristiċi ta’ dak il-materjal u biex jiġu determinati l-kondizzjonijiet tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq, ta’ dak il-materjal.

(40)

Peress li l-produzzjoni tal-bhejjem naturalment tinvolvi l-ġestjoni ta’ art agrikola, fejn jintuża demel bħala nutrijent għall-produzzjoni tal-għelejjel, il-produzzjoni tal-bhejjem fejn ma hemmx art agrikola jenħtieġ li tiġi pprojbita, ħlief fil-każ tat-trobbija tan-naħal. Fl-għażla ta’ razez, l-għażla tal-karatteristiċi li huma importanti għall-agrikoltura organika, bħal livell għoli ta’ diversità ġenetika, il-kapaċità ta’ adattament għall-kundizzjonijiet lokali u r-reżistenza għall-mard, jenħtieġ li tkun inkoraġġita.

(41)

L-annimali organiċi ma jkunux dejjem disponibbli fi kwantità u kwalità suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-bdiewa li jixtiequ jikkostitwixxu merħla jew qatgħa għall-ewwel darba jew li jżidu jew iġeddu l-bhejjem tagħhom. Taħt ċerti kondizzjonijiet, jenħtieġ għalhekk li jkun possibbli li jinġiebu annimali li ma trabbewx b’mod organiku f’unità ta’ produzzjoni organika.

(42)

Jenħtieġ li l-bhejjem jingħataw materjali tal-għalf li jkun ġie prodott skont ir-regoli tal-produzzjoni organika, u preferibbilment li ġejjin mill-azjenda proprja tal-bidwi, b’kont meħud tal-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tal-bhejjem. Madankollu, jenħtieġ li l-bdiewa jingħataw il-possibbiltà li jużaw ukoll għalf fil-fażi ta’ konverżjoni li jkun ġej mill-azjendi tagħhom stess, taħt ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti nutrizzjonali bażiċi tal-bhejjem, jenħtieġ li l-bdiewa jkunu jistgħu jużaw ċertu materjal tal-għalf ta’ oriġini mikrobika jew ta’ oriġini minerali jew ċerti addittivi tal-għalf u għajnuna għall-ipproċessar taħt kondizzjonijiet iddefiniti sew.

(43)

Il-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali jenħtieġ li tkun primarjament ibbażata fuq il-prevenzjoni tal-mard. Barra minn hekk jenħtieġ li jiġu applikati miżuri speċifiċi ta’ tindif u diżinfezzjoni. Jenħtieġ li l-użu preventiv ta’ prodotti mediċinali allopatiċi kimikament sintesizzati, inkluż l-antibijotiċi, ma jkunx permess fil-produzzjoni organika. F’każ ta’ mard jew korriment ta’ annimal li jkun jirrikjedi trattament immedjat, l-użu ta’ dawn il-prodotti jenħtieġ li jkun limitat għall-minimu meħtieġ biex jerġa’ jiġi stabbilit il-benessri tal-annimal. F’dawn il-każijiet, sabiex tiġi garantita l-integrità tal-produzzjoni organika għall-konsumaturi, il-perijodu uffiċjali tal-irtirar wara l-użu ta’ tali prodotti mediċinali kif speċifikat fil-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni jenħtieġ li jkun id-doppju tal-perijodu normali tal-irtirar u jkollu tul minimu ta’ 48 siegħa.

(44)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija organiċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-imġiba tal-annimali u jenħtieġ li jiżguraw livell għoli ta’ trattament xieraq tal-annimali, li ċerti aspetti tagħhom jenħtieġ li jmur lil hinn mill-istandards tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali applikabbli għall-produzzjoni tal-bhejjem inġenerali. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-bhejjem jenħtieġ li jkollhom aċċess permanenti għal spazji fil-beraħ fejn ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzju fiżiku. Kwalunkwe tbatija, uġigħ jew diffikultà fiżika jenħtieġ li jiġu evitati, jew li jkunu limitati kemm jista’ jkun fl-istadji kollha tal-ħajja tal-annimali. Jenħtieġ li l-irbit u l-mutilazzjoni, bħall-qtugħ tad-denb għan-nagħaġ, it-tqasqis tal-munqar fl-ewwel tlett ijiem tal-ħajja u t-tneħħija tal-qrun, ikunu possibbli biss jekk awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti, u biss taħt ċerti kondizzjonijiet.

(45)

Peress li l-produzzjoni organika hija l-aktar żviluppata għall-annimali bovini, l-annimali ovini, l-annimali kaprini, l-annimali ekwini, l-annimali ċervini u l-annimali porċini, kif ukoll għat-tjur, il-fniek u n-naħal, jenħtieġ li japplikaw regoli dettaljati addizzjonali dwar il-produzzjoni għal dawk l-ispeċijiet. Għal dawk l-ispeċijiet huwa neċessarju li l-Kummissjoni tistabbilixxi ċerti rekwiżiti li huma importanti għall-produzzjoni ta’ dawk l-annimali, bħar-rekwiżiti tad-densità tal-istokkjar, l-uċuħ minimi u l-karatteristiċi, kif ukoll ir-rekwiżiti tekniċi għall-akkomodazzjoni. Għal speċijiet oħra, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti bħal dawn, meta r-regoli dettaljati addizzjonali dwar il-produzzjoni japplikaw għal dawk l-ispeċijiet.

(46)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis tad-derogi li jikkonċernaw l-oriġini tal-annimali, il-limiti fuq in-nitroġenu organiku marbut mad-densità totali tal-istokkjar, l-għalf tal-kolonji tan-naħal, it-trattamenti aċċettabbli għad-diżinfezzjoni tal-ġarer tan-naħal, il-metodi u trattamenti għall-ġlieda kontra l-Varroa destructor, u regoli dettaljati dwar il-produzzjoni tal-bhejjem għal aktar speċijiet.

(47)

Dan ir-Regolament jirrifletti l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida rigward l-akkwakultura, li taqdi rwol ewlieni fl-iżgurar tas-sigurtà alimentari sostenibbli u fit-tul kif ukoll tat-tkabbir u l-impjieg, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet tal-ħut salvaġġ fil-kuntest tad-domanda globali dejjem tikber għall-ikel akkwatiku. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ April 2013 dwar Linji Gwida Strateġiċi għall-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura tal-UE tenfasizza l-isfidi ewlenin li tiffaċċa l-akkwakultura fl-Unjoni u l-potenzjal tagħha għal tkabbir. Dik il-komunikazzjoni tidentifika l-akkwakultura organika bħala settur partikolarment promettenti, u tenfasizza l-vantaġġi kompetittivi li jiġu miċ-ċertifikazzjoni organika.

(48)

L-akkwakultura organika hija qasam tal-produzzjoni organika pjuttost ġdid meta mqabbel mal-agrikultura organika, fejn teżisti esperjenza twila fuq il-livell tal-irziezet. Minħabba l-interess dejjem jikber tal-konsumaturi fil-prodotti organiċi tal-akkwakultura, x’aktarx li ser tiżdied iktar ir-rata ta’ konverżjonijiet tal-unitajiet tal-akkwakultura għall-produzzjoni organika. Dan ser iwassal għal iktar esperjenza, għarfien tekniku u żvilupp, b’titjib fl-akkwakultura organika li jenħtieġ li jiġi rifless fir-regoli dwar il-produzzjoni.

(49)

Jenħtieġ li l-akkwakultura organika tkun ibbażata fuq it-trobbija ta’ stokk ta’ età żgħira li joriġina minn unitajiet tal-produzzjoni organika. Annimali tal-akkwakultura organika għat-tnissil jew għall-finijiet ta’ tkabbir mhux dejjem ikunu disponibbli fi kwantità u kwalità suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ operaturi li jipproduċu annimali tal-akkwakultura. Taħt ċerti kondizzjonijiet, għandu jkun possibbli li jinġiebu annimali tal-akkwakultura slavaġ maqbuda jew li ma jkunux organiċi f’unità ta’ produzzjoni organika.

(50)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-għalf għall-annimali tal-akkwakultura u t-trattament veterinarju ta’ dawk l-annimali, u fir-rigward tal-kundizzjonijiet dettaljati tagħhom għall-ġestjoni, it-tnissil u l-produzzjoni taż-żgħar tal-istokk riproduttur.

(51)

Jenħtieġ li l-operaturi li jipproduċu ikel jew għalf organiku jsegwu proċeduri xierqa bbażati fuq l-identifikazzjoni sistematika tal-passi kritiċi ta’ pproċessar, sabiex jiġi żgurat li l-prodotti pproċessati jikkonformaw mar-regoli dwar il-produzzjoni organika. Jenħtieġ li l-prodotti organiċi pproċessati jsiru bl-użu ta’ metodi ta’ pproċessar li jiggarantixxu li l-karatteristiċi u l-kwalitajiet organiċi tal-prodotti jinżammu fl-istadji kollha tal-produzzjoni organika.

(52)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni tal-ikel u l-għalf organiku pproċessat. B’mod partikolari, jenħtieġ li dan l-ikel jkun prodott prinċipalment minn ingredjenti agrikoli organiċi jew minn ingredjenti oħrajn li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li huma organiċi, bil-possibbiltà limitata li jintużaw ċerti ingredjenti agrikoli mhux organiċi speċifikati f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li ċerti prodotti u sustanzi biss li huma awtorizzati skont dan ir-Regolament ikunu awtorizzati biex jintużaw fil-produzzjoni ta’ ikel u għalf organiku pproċessat.

(53)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prekawzjoni u preventivi li għandhom jittieħdu mill-operaturi li jipproduċu ikel jew għalf ipproċessat, fir-rigward tat-tip u l-kompożizzjoni tal-prodotti u s-sustanzi li huma permessi għall-użu fl-ikel ipproċessat, kif ukoll il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu tagħhom, u fir-rigward tal-kalkolu tal-perċentwal tal-ingredjenti organiċi, inkluż l-speċifikazzjoni tal-addittivi permessi għall-użu fil-produzzjoni organika li jiġu kkunsidrati bħala ingredjenti agrikoli għall-finijiet tal-kalkolu tal-perċentwal li jeħtieġ li jintlaħaq sabiex il-prodott jiġi deskritt bħala organiku fid-deskrizzjoni tal-bejgħ.

(54)

Jenħtieġ li l-inbid organiku jkun soġġett għar-regoli rilevanti dwar l-ikel organiku pproċessat. Madankollu, peress li l-inbid huwa kategorija speċifika u importanti tal-prodotti organiċi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati addizzjonali dwar il-produzzjoni speċifikament għall-inbid organiku. Jenħtieġ li l-inbid organiku jkun magħmul kollu kemm hu minn materjal organiku mhux ipproċessat, u jenħtieġ li ċerti prodotti u sustanzi awtorizzati skont dan ir-Regolament biss jiġu awtorizzati li jinżiedu miegħu. Jenħtieġ li l-użu ta’ ċerti prattiki, proċessi u trattamenti enoloġiċi fil-produzzjoni tal-inbid organiku jiġu pprojbiti. Jenħtieġ li prattiki, proċessi u trattamenti oħrajn jiġu awtorizzati taħt kondizzjonijiet iddefiniti b’mod ċar.

(55)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ta’ prattiki, proċessi u trattamenti enoloġiċi addizzjonali u fir-rigward tal-emendar tal-lista tal-prattiki, proċessi u trattamenti enoloġiċi permessi.

(56)

Għall-bidu, il-ħmira ma kinitx meqjusa bħala ingredjent agrikolu skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u għaldaqstant ma kinitx tgħodd għall-kompożizzjoni agrikola ta’ prodotti organiċi. Madankollu, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (29) introduċa l-obbligu li l-ħmira u l-prodotti tal-ħmira jitqiesu bħala ingredjenti agrikoli għall-finijiet tal-produzzjoni organika mill-31 ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant, mill-1 ta’ Jannar 2021, jenħtieġ li jintużaw biss sottostrati prodotti organikament fil-produzzjoni tal-ħmira organika għall-użu bħala ikel jew għalf. Barra minn hekk, jenħtieġ li ċerti prodotti u sustanzi biss jiġu permessi jintużaw fil-produzzjoni, il-konfezzjoni u l-formulazzjoni tagħha.

(57)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli dettaljati addizzjoni dwar il-produzzjoni tal-ħmira.

(58)

Filwaqt li jenħtieġ li dan ir-Regolament jarmonizza r-regoli dwar il-produzzjoni organika fl-Unjoni għall-prodotti kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, u jenħtieġ li jistabbilixxi regoli dwar il-produzzjoni dettaljati għal kategoriji differenti ta’ prodotti, ser ikun possibbli biss fi stadju aktar ’il quddiem li jiġu adottati ċerti regoli tal-produzzjoni, bħal regoli dwar il-produzzjoni dettaljati addizzjonali għal aktar speċijiet tal-annimali jew għal prodotti li ma jaqgħux taħt il-kategoriji li għalihom ikunu ġew stipulati regoli dwar il-produzzjoni dettaljati f’dan ir-Regolament. Fin-nuqqas ta’ tali regoli dwar il-produzzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri xorta jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jistipulaw regoli nazzjonali għall-produzzjoni nazzjonali tagħhom, sakemm dawk ir-regoli ma jmorrux kontra dan ir-Regolament. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx dawk ir-regoli nazzjonali għal prodotti li jiġu prodotti jew li jiġu kummerċjalizzati fi Stati Membri oħra fejn dawk il-prodotti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Fin-nuqqas ta’ tali regoli dwar il-produzzjoni dettaljati nazzjonali, jenħtieġ li l-operaturi mill-inqas jikkonformaw mar-regoli ġenerali dwar il-produzzjoni u mal-prinċipji tal-produzzjoni organika, sa fejn dawk ir-regoli u prinċipji jistgħu japplikaw għall-prodotti kkonċernati, meta jqiegħdu tali prodotti fis-suq b’termini li jirreferu għall-produzzjoni organika.

(59)

Sabiex jittieħed kont ta’ kwalunkwe bżonn futur li jkun hemm regoli speċifiċi dwar il-produzzjoni għal prodotti li l-produzzjoni tagħhom ma taqa’ f’ebda kategorija ta’ regoli speċifiċi dwar il-produzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, kif ukoll biex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, il-konformità ma’ dan ir-Regolament u, sussegwentement, l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti aspetti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli dwar il-produzzjoni dettaljati, kif ukoll regoli dwar l-obbligu li ssir konverżjoni, għal dawn il-prodotti.

(60)

Eċċezzjonijiet mir-regoli dwar il-produzzjoni organika jenħtieġ li jiġu previsti biss fil-każ ta’ ċirkustanzi katastrofiċi. Sabiex tkun tista’ tkompli jew terġa’ tibda l-produzzjoni organika f’każijiet bħal dawn, is-setgħa li tadotta ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment tal-kriterji li jiddeterminaw jekk sitwazzjoni tikkwalifikax bħala ċirkostanzi katastrofiċi kif ukoll regoli speċifiċi, inkluż derogi possibbli minn dan ir-Regolament, dwar kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw tali ċirkostanzi katastrofiċi u dwar ir-rekwiżiti meħtieġa għall-monitoraġġ u r-rapportar f’tali każijiet.

(61)

Taħt ċerti kondizzjonijiet, prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi jistgħu jinġabru u jiġu trasportati fl-istess ħin. Sabiex prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi jibqgħu debitament separati waqt it-tqandil tagħhom, u biex jiġi evitat it-taħlit, jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi.

(62)

Sabiex jiġu żgurati l-integrità tal-produzzjoni organika u l-adattament għall-iżviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli dwar l-imballaġġ u t-trasport ta’ prodotti organiċi.

(63)

L-użu fil-produzzjoni organika ta’ ċerti prodotti jew sustanzi bħala sustanzi attivi għall-użu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jaqgħu fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija, in-nutrijenti, il-komponenti mhux organiċi tan-nutrizzjoni tal-annimali ta’ oriġini diversi, l-addittivi tal-għalf, l-għajnuniet għall-ipproċessar u l-prodotti għat-tindif u d-diżinfettazzjoni jenħtieġ li jiġu limitati għall-minimu u jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-istess approċċ jiġi segwit rigward l-użu tal-prodotti u s-sustanzi bħala addittivi tal-ikel u għajnuniet għall-ipproċessar u rigward l-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat. Għaldaqstant, kull użu possibbli ta’ prodotti u sustanzi bħal dawn fil-produzzjoni organika b’mod ġenerali, u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, jenħtieġ li jiġi ddefinit, soġġett għall-prinċipji stabbiliti f’dan ir-Regolament u għal ċerti kriterji.

(64)

Sabiex jiġu żgurati l-kwalità, it-traċċabbiltà, u l-konformità ma’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-produzzjoni organika b’mod ġenerali u l-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, kif ukoll biex jiġi żgurat l-adattament għal żviluppi tekniċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti aspetti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji addizzjonali għall-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika ġenerali u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, kif ukoll kriterji għall-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet.

(65)

Sabiex jiġi żgurat aċċess għal ingredjenti agrikoli, fejn tali ingredjenti ma jkunux disponibbli f’forma organika fi kwantità suffiċjenti għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ukoll il-possibbiltà li jippermettu l-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi taħt ċerti kondizzjonijiet u għal perijodu limitat.

(66)

Sabiex tiġi promossa l-produzzjoni organika u biex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta’ data affidabbli, jeħtieġ li tinġabar u titqassam lill-bdiewa u lill-operaturi informazzjoni u data dwar id-disponibbiltà fis-suq għal materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni, għal annimali organiċi u għal annimali organiċi tal-akkwakultura żgħar. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li bażijiet tad-data u sistemi aġġornati b’mod regolari u b’informazzjoni bħal din jiġu stabbiliti fit-territorji tagħhom, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel tali informazzjoni pubblika.

(67)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti għall-produzzjoni organika u biex tiġi żgurata l-fiduċja tal-konsumatur f’dan il-metodu ta’ produzzjoni, jeħtieġ li l-operaturi jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, dwar każijiet suspettati ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, li huwa ssostanzjat jew li ma jistax jiġi eliminat, rigward prodotti li huma jipproduċu, iħejju, jimportaw jew jirċievu minn operaturi oħra. Tali suspett jista’, fost l-oħrajn, jirriżulta minħabba l-preżenza ta’ prodott jew ta’ sustanza li ma tkunx awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni ta’ prodott li jkun maħsub biex jintuża jew jiġi kummerċjalizzat bħala prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni. Jenħtieġ li l-operaturi jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti fejn huma f’pożizzjoni li jissostanzjaw suspett ta’ nonkonformità jew fejn ma jkunux jistgħu jeliminaw tali suspett. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-prodotti kkonċernati ma jitqiegħdux fis-suq bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni sakemm is-suspett ma jistax jiġi eliminat. Jenħtieġ li l-operaturi jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, mal-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, biex jiġu identifikati u verifikati r-raġunijiet għal tali nonkonformità.

(68)

Sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-produzzjoni organika ma’ prodotti jew sustanzi li ma ġewx awtorizzati mill-Kummissjoni għall-użu fil-produzzjoni organika għal ċerti finijiet, jenħtieġ li l-operaturi jieħdu miżuri proporzjonati u xierqa li huma taħt il-kontroll tagħhom biex jiġu identifikati u evitati r-riskji ta’ tali kontaminazzjoni. Jenħtieġ li miżuri bħal dawn jiġu riveduti regolarment u, jekk meħtieġ, aġġustati.

(69)

Sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat fl-Unjoni kollha fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ suspett ta’ nonkonformità, speċjalment fejn tali suspett jirriżulta minħabba l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati f’prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, u sabiex jiġu evitati inċertezzi għall-operaturi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, iwettqu investigazzjoni uffiċjali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti għall-produzzjoni organika. Fil-każ speċifiku ta’ suspett ta’ nonkonformità minħabba l-preżenza ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati, jenħtieġ li l-investigazzjoni tiddetermina s-sors u l-kawża tal-preżenza ta’ tali prodotti jew sustanzi, sabiex jiġi żgurat li l-operaturi jħarsu r-rekwiżiti għall-produzzjoni organika u, b’mod partikolari, ma jkunux użaw prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika, u biex jiġi żgurat li dawk l-operaturi jkunu ħadu miżuri proporzjonati u xierqa ta’ prekawzjoni biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni tal-produzzjoni organika ma’ prodotti u sustanzi bħal dawn. Jenħtieġ li dawn l-investigazzjonijiet ikunu proporzjonati man-nonkonformità ssuspettata u għaldaqstant jenħtieġ li jitlestew malajr kemm jista’ jkun f’perijodu raġonevoli, filwaqt li jittieħed kont tad-durabbiltà tal-prodott u l-kumplessità tal-każ. Dawn jistgħu jinkludu kwalunkwe metodu u teknika għal kontrolli uffiċjali jitqies xieraq biex jiġi eliminat jew ikkonfermat b’mod effiċjenti, mingħajr dewmien bla bżonn, kwalunkwe suspett ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż l-użu ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tippermetti li jiġi eliminat jew ikkonfermat kwalunkwe suspett ta’ nonkonformità mingħajr spezzjoni fuq il-post.

(70)

L-okkorrenza tal-preżenza ta’ prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika fi prodotti li jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, kif ukoll il-miżuri meħuda f’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġu soġġetti għal osservazzjoni ulterjuri mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill erba’ snin wara d-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri dwar il-każijiet fejn prodotti u sustanzi mhux awtorizzati fil-produzzjoni organika ġew investigati. Dan ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġislattiva għal aktar armonizzazzjoni.

(71)

Fin-nuqqas ta’ tali armonizzazzjoni ulterjuri, l-Istati Membri li jkunu żviluppaw approċċi biex jiġi evitat li prodotti li fihom ċertu livell ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati mill-Kummissjoni għall-użu fil-produzzjoni organika għal ċerti finijiet jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jkomplu japplikaw dawk l-approċċi. Madankollu, sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fis-suq intern tal-Unjoni, jenħtieġ li approċċi bħal dawn ma jipprojbixxux, ma jirrestrinġux jew ma jimpedixxux it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jiġu prodotti fi Stati Membri oħra f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Approċċi bħal dawn għaldaqstant jenħtieġ li jiġu applikati biss għal prodotti li jiġu prodotti fit-territorju tal-Istat Membru li jkun għażel li jkompli japplika dak l-approċċ. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw din il-possibbiltà jenħtieġ li jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

(72)

Minbarra l-obbligi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-operaturi li jipproduċu, iħejju, jimportaw jew jużaw prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u minn awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, stabbiliti f’dan ir-Regolament sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni ma’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika, l-Istati Membri jenħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà li jieħdu miżuri xierqa oħra fit-territorju tagħhom biex tiġi evitata l-preżenza mhux maħsuba ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati fl-agrikoltura organika. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw din il-possibbiltà jenħtieġ li jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien.

(73)

Jenħtieġ li t-tikkettar ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ikun soġġett għar-regoli ġenerali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (30), u b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet bl-għan li jipprevjenu tikkettar li jista’ jfixkel lil jew iqarraq bil-konsumaturi. Barra minn hekk, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi marbuta mat-tikkettar ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni. Jenħtieġ li dawn jipproteġu kemm l-interessi tal-operaturi, biex ikollhom il-prodotti tagħhom fis-suq identifikati b’mod ċar u korrett u jgawdu minn kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusti, kif ukoll l-interessi tal-konsumaturi li jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

(74)

Għaldaqstant, it-termini użati biex jindikaw prodotti organiċi jenħtieġ li ikunu protetti fl-Unjoni kollha kontra l-użu tagħhom fit-tikkettar ta’ prodotti mhux organiċi, indipendentement mil-lingwa użata. Jenħtieġ li dik il-protezzjoni tapplika wkoll għad-derivattivi jew id-diminuttivi ta’ dawk it-termini, sew jekk jintużaw weħidhom kif ukoll jekk jintużaw flimkien.

(75)

Jenħtieġ li l-ikel ipproċessat ikun ittikkettat bħala organiku biss fejn l-ingredjenti kollha jew kważi kollha ta’ oriġini agrikola jkunu organiċi. Sabiex jiġi inkoraġġut l-użu ta’ ingredjenti organiċi, jenħtieġ li wkoll ikun possibbli li jsir riferiment għall-produzzjoni organika biss fil-lista ta’ ingredjenti ta’ ikel ipproċessat fejn ċerti kondizzjonijiet ikunu ssodisfati, b’mod partikolari li l-ikel inkwistjoni ikun konformi ma’ ċerti regoli dwar il-produzzjoni organika. Jenħtieġ li jiġu wkoll stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali ta’ tikkettar biex l-operaturi jkunu jistgħu jidentifikaw l-ingredjenti organiċi użati fi prodotti li jikkonsistu primarjament minn ingredjent li joriġina mill-kaċċa jew is-sajd.

(76)

Jenħtieġ li l-għalf ipproċessat ikun ittikkettat bħala organiku biss fejn l-ingredjenti kollha jew kważi kollha ta’ oriġini agrikola jkunu organiċi.

(77)

Sabiex ikun hemm ċarezza għall-konsumaturi fis-suq kollu tal-Unjoni, jenħtieġ li l-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun obbligatorju għall-ikel organiku kollu ppakkjat bil-lest prodott fl-Unjoni. Minbarra dan, jenħtieġ li jkun possibbli li jintuża dak il-logo fuq bażi volontarja fil-każ ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati bil-lest li jiġu prodotti fl-Unjoni u fil-każ ta’ kwalunkwe prodott organiku importat minn pajjiżi terzi, kif ukoll għal finijiet informattivi u edukattivi. Jenħtieġ li l-mudell tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jiġi stabbilit.

(78)

Madankollu, sabiex il-konsumaturi ma jitqarrqux dwar l-għamla organika tal-prodott sħiħ, huwa xieraq li l-użu ta’ dak il-logo jiġi limitat għall-prodotti li jinkludu biss, jew kważi biss, ingredjenti organiċi. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu tiegħu ma jkunx permess fl-ittikkettar ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, jew ta’ prodotti pproċessati li jkun fihom anqas minn 95 % skont il-piż tal-ingredjenti tagħhom ta’ oriġini agrikola li jkunu organiċi.

(79)

Sabiex tiġi evitata kull konfużjoni possibbli fost il-konsumaturi dwar jekk il-prodotti joriġinawx mill-Unjoni jew le, kull meta jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-post fejn ġiet ikkultivata l-materja prima agrikola li minnha huwa magħmul il-prodott. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li jkun permess li ssir referenza għall-akkwakultura fuq it-tikketta ta’ prodotti minn akkwakultura organika minflok ma ssir referenza għall-agrikoltura.

(80)

Sabiex il-konsumaturi jingħataw ċarezza, u biex jiġi żgurat li l-informazzjoni adatta tiġi komunikata lilhom, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ regoli addizzjonali dwar it-tikkettar tal-prodotti organiċi u l-emendar tal-lista ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika li tinsab f’dan ir-Regolament, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, u r-regoli marbuta miegħu.

(81)

Jenħtieġ li ċerti prodotti jew sustanzi użati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew bħala fertilizzanti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għaldaqstant jenħtieġ, fil-prinċipju, li ma jkunux soġġetti għar-regoli ta’ dan ir-Regolament, inkluż ir-regoli dwar it-tikkettar. Madankollu, minħabba li dawk il-prodotti u sustanzi jaqdu rwol importanti fl-agrikoltura organika u l-użu tagħhom fil-produzzjoni organika huwa soġġett għal awtorizzazzjoni taħt dan ir-Regolament, u minħabba li ċerti inċertezzi fir-rigward tat-tikkettar tagħhom dehru fil-prattika, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, jenħtieġ li jiġi ċċarat li fejn tali prodotti jew sustanzi jiġu awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika f’konformità ma’ dan ir-Regolament, ikunu jistgħu jiġu ttikkettati kif xieraq.

(82)

Il-produzzjoni organika hija kredibbli biss jekk tkun akkumpanjata minn verifika u kontrolli effettivi fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u tad-distribuzzjoni.

(83)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-operaturi biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet għan-notifika tal-attivitajiet tal-operaturi lil-awtoritajiet kompetenti u għal sistema ta’ ċertifikazzjoni biex jiġu identifikati l-operaturi li jikkonformaw mar-regoli li jirregolaw il-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi. Jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet fil-prinċipju japplikaw ukoll għal kull sottokuntrattur tal-operaturi kkonċernati, sakemm l-attività ta’ sottokuntrattar ma tkunx totalment integrata fl-attività prinċipali tal-operatur tas-sottokuntrattar, u tkun ikkontrollata f’dak il-kuntest. Jenħtieġ li t-trasparenza tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni tiġi żgurata billi l-Istati Membri jkunu meħtieġa jippubblikaw il-listi tal-operaturi li nnotifikaw l-attivitajiet tagħhom, u kull tariffa li tista’ tinġabar b’rabta mal-kontrolli mwettqa għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika.

(84)

Ħwienet żgħar ta’ bejgħ bl-imnut li ma jbigħux prodotti organiċi ħlief prodotti organiċi ppakkjati bil-lest jippreżentaw riskju relattivament baxx ta’ nonkonformità mar-regoli ta’ produzzjoni organika, u jenħtieġ li dawn ma jiffaċċawx piżijiet sproporzjonati għall-bejgħ ta’ prodotti organiċi. Għalhekk jenħtieġ li dawn ma jkunux soġġetti għall-obbligi ta’ notifika u ta’ ċertifikazzjoni, iżda jenħtieġ li dawn jibqgħu soġġetti għal kontrolli uffiċjali li jsiru għall-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Bl-istess mod, jenħtieġ li ħwienet żgħar ta’ bejgħ bl-imnut li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati jkunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali, iżda sabiex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti organiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jeżentaw tali ħwienet mill-obbligu li jiċċertifikaw l-attivitajiet tagħhom.

(85)

Il-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u l-operaturi li jipproduċu l-alga jew l-annimali tal-akkwakultura fl-Unjoni individwalment jiffaċċjaw spejjeż ta’ spezzjoni u piżijiet amministrattivi relattivament għoljin marbuta maċ-ċertifikazzjoni organika. Jenħtieġ li tkun permessa sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ grupp sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ spezzjoni u ċertifikazzjoni u l-piżijiet amministrattivi assoċjati, jissaħħu n-netwerks lokali, isir kontribut għal swieq disponibbli aħjar u jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi ma’ operaturi f’pajjiżi terzi. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li jiġi introdott u definit il-kunċett ta’ “grupp ta’ operaturi”, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jirriflettu l-ħtiġijiet u l-kapaċità tar-riżorsi tal-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira u l-operaturi.

(86)

Sabiex jiġu żgurati l-effikaċja, l-effiċjenza u t-trasparenza tal-produzzjoni organika u tat-tikkettar tal-prodotti organiċi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żamma ta’ rekords minn operaturi jew gruppi ta’ operaturi u l-mudell taċ-ċertifikat ta’ konformità.

(87)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikazzjoni ta’ gruppi ta’ operaturi ssir b’mod effikaċi u effiċjenti, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-responsabbiltajiet tal-membri individwali ta’ gruppi ta’ operaturi, il-kriterji li jiddeterminaw il-prossimità ġeografika tal-membri tagħhom, u l-istabbiliment u l-funzjonament tas-sistemi tagħhom għall-kontrolli interni.

(88)

Il-produzzjoni organika hija soġġetta għal kontrolli uffiċjali u għal attivitajiet uffiċjali oħra li jitwettqu f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi. Madankollu, ħlief jekk previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li japplikaw regoli għall-produzzjoni organika b’mod addizzjonali għal dawk li huma stabbiliti f’dak ir-Regolament fir-rigward ta’ kontrolli u azzjonijiet uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, mill-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, fir-rigward tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu minn operaturi u gruppi ta’ operaturi, fir-rigward tad-delega ta’ ċerti kompiti ta’ kontroll uffiċjali u jew ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra u s-superviżjoni tagħhom, u fir-rigward ta’ azzjonijiet f’każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew nonkonformità stabbilita, inkluż il-projbizzjoni kontra t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti bħala organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni fejn in-nonkonformità stabbilita taffettwa l-integrità ta’ dawk il-prodotti.

(89)

Sabiex jiġi żgurat approċċ uniformi fit-territorji tagħhom, jenħtieġ li jkun unikament f’idejn l-awtoritajiet kompetenti li jipprevedu katalgu ta’ miżuri li għandhom jittieħdu f’każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita.

(90)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’dan ir-Regolament dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ ċerta informazzjoni rilevanti fost l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll, il-korpi ta’ kontroll u ċerti korpi oħra, u dwar l-azzjoni ta’ tali awtoritajiet u korpi, b’mod addizzjonali għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/625.

(91)

Sabiex jiġi appoġġat it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji u kondizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali li jsiru biex jiġu żgurati t-traċċabilità fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni, u l-konformità ma’ dan ir-Regolament u fir-rigward ta’ elementi addizzjonali li għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni, abbażi tal-esperjenza prattika, tal-probabbiltà ta’ nonkonformità.

(92)

Sabiex jiġi appoġġat it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra għall-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-delega ta’ kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra lil korpi ta’ kontroll, minbarra l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(93)

L-esperjenza fir-rigward tal-arranġamenti għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 uriet li hemm bżonn li dawk l-arranġamenti jiġu riveduti sabiex tingħata risposta għall-aspettattivi tal-konsumaturi li l-prodotti organiċi importati jissodisfaw standards li jkunu stretti daqs tal-Unjoni, kif ukoll sabiex ikun żgurat aħjar l-aċċess tal-prodotti organiċi tal-Unjoni għas-suq internazzjonali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata ċarezza rigward ir-regoli applikabbli għall-esportazzjoni ta’ prodotti organiċi, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti ċertifikati ta’ esportazzjoni organika.

(94)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-importazzjoni ta’ prodotti li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar il-produzzjoni u t-tikkettar, li fir-rigward tagħhom l-operaturi ġew soġġetti għall-kontrolli tal-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti mill-Kummissjoni biex iwettqu f’pajjiżi terzi kontrolli u ċertifikazzjoni fil-qasam tal-produzzjoni organika, jenħtieġ li jiġu rinfurzati ulterjorment. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni rekwiżiti li jikkonċernaw lill-korpi ta’ akkreditazzjoni li jakkreditaw il-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi konformi fl-Unjoni, sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwi għas-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li l-Kummissjoni tikkuntattja direttament lill-korpi ta’ akkreditazzjoni u lill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi, biex is-superviżjoni tal-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll rispettivament ikunu aktar effiċjenti. Fil-każ ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi jew mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni b’kundizzjonijiet klimatiċi u lokali speċifiċi, huwa xieraq li tkun prevista l-possibbiltà li l-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-użu ta’ prodotti u sustanzi fil-produzzjoni organika.

(95)

Jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li l-prodotti organiċi jkollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni meta dawn il-prodotti ma jikkonformawx mar-regoli tal-produzzjoni organika tal-Unjoni, iżda jiġu minn pajjiżi terzi li l-produzzjoni organika u s-sistemi ta’ kontroll tagħhom huma rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni. Madankollu, ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 834/2007, jenħtieġ li tingħata biss permezz ta’ ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi terzi, fejn isir ukoll rikonoxximent reċiproku ta’ ekwivalenza favur l-Unjoni.

(96)

Il-pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-finijiet ta’ ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 jenħtieġ li jibqgħu rikonoxxuti bħala tali skont dan ir-Regolament, għal perijodu limitat neċessarju biex tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel għall-iskema ta’ rikonoxximent permezz ta’ ftehim internazzjonali, dment li huma jkomplu jiżguraw li r-regoli tagħhom dwar il-produzzjoni organika u l-kontroll ikunu ekwivalenti għar-regoli tal-Unjoni rilevanti fis-seħħ u li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha marbutin mas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dik is-superviżjoni tkun bbażata b’mod partikolari fuq ir-rapporti annwali li dawk il-pajjiżi terzi rikonoxxuti jibagħtu lill-Kummissjoni.

(97)

L-esperjenza bl-iskema tal-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti mill-Kummissjoni biex iwettqu l-kontrolli u biex joħorġu ċ-ċertifikati f’pajjiżi terzi għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti, li tipprovdi garanziji ekwivalenti, turi li r-regoli applikati minn dawk l-awtoritajiet u korpi huma differenti, u jista’ jkun diffiċli li tali regoli jitqiesu bħala ekwivalenti għar-regoli rispettivi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-multiplikazzjoni tal-istandards għall-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll ixxekkel is-superviżjoni adegwata mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dik l-iskema ta’ rikonoxximent tal-ekwivalenza titneħħa. Madankollu, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet u korpi ta’ kontroll jingħataw żmien biżżejjed biex ikunu jistgħu jħejju ruħhom biex jiksbu rikonoxximent għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti li jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-regoli l-ġodda tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għall-finijiet tal-importazzjoni ta’ prodotti konformi japplikaw diġà mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tħejji ruħha għar-rikonoxximent ta’ dawn l-awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(98)

It-tqegħid fis-suq ta’ kwalunkwe prodott bħala prodott organiku, fejn dak il-prodott ikun ġie importat fl-Unjoni skont xi wieħed mill-ftehimiet ta’ importazzjoni previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun soġġett għad-disponibbiltà tal-informazzjoni neċessarja sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott fil-katina tal-ikel.

(99)

Sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fost l-operaturi, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dokumenti maħsuba għall-awtoritajiet doganali f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċertifikati ta’ esportazzjoni organika.

(100)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-proċedura ta’ rikonoxximent u superviżjoni għall-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll fil-kuntest tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi konformi u l-effikaċja, l-effiċjenza u t-trasparenza tal-kontrolli ta’ prodotti importati, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterji ulterjuri għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll fil-kuntest tal-importazzjoni ta’ prodotti organiċi li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, kif ukoll kriterji oħrajn għall-irtirar ta’ tali rikonoxximent, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti mill-Kummissjoni u fir-rigward tal-kontrolli u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għal dak il-għan.

(101)

Fejn jiġi individwat ksur serju jew ripetut fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni jew il-kontrolli u l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament, u fejn l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ikkonċernati jonqos milli jieħu azzjoni ta’ rimedju xierqa u f’waqtha b’reazzjoni għal talba mill-Kummissjoni, ir-rikonoxximent ta’ dik l-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll jenħtieġ li jiġi rtirat mingħajr dewmien.

(102)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni tal-lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti għall-fini tal-ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat minn dawk il-pajjiżi terzi rikonoxxuti li hija meħtieġa għas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom u l-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni mill-Kummissjoni.

(103)

Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni li tiżgura li l-moviment tal-prodotti organiċi li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament u li kienu soġġetti għall-kontroll fi Stat Membru wieħed ma jistax jiġi ristrett fi Stat Membru ieħor.

(104)

Biex tinkiseb l-informazzjoni affidabbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri jgħaddu b’mod regolari l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u trasparenza, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu listi aġġornati tal-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll. Jenħtieġ li l-listi tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll isiru pubbliċi mill-Istati Membri u jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni.

(105)

Bil-ħsieb tal-eliminazzjoni gradwali tad-derogi li jikkonċernaw l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku, ta’ tjur imrobbija b’mod mhux organiku, u ta’ bhejjem mhux organiċi għal skopijiet ta’ tnissil, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis id-disponibbiltà ta’ tali materjal f’forma organika fis-suq fl-Unjoni. Għal dak il-għan, u abbażi tad-data dwar id-disponibbiltà ta’ materjal organiku miġbur permezz tal-bażi tad-data u s-sistemi stabbiliti mill-Istati Membri, ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà u r-raġunijiet tal-aċċess limitat possibbli tal-operaturi organiċi għal materjal bħal dan.

(106)

Bil-ħsieb tal-eliminazzjoni gradwali tad-derogi li jikkonċernaw l-użu ta’ għalf tal-proteini mhux organiku għat-tjur u l-annimali porċini, u abbażi tad-data li tingħata kull sena mill-Istati Membri dwar id-disponibbiltà ta’ tali għalf tal-proteini f’forma organika fis-suq tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà u dwar ir-raġunijiet tal-aċċess limitat possibbli tal-operaturi organiċi għal tali għalf tal-proteini organiku.

(107)

Sabiex jittieħed kont tal-evoluzzjoni tad-disponibbiltà fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, ta’ annimali organiċi u ta’ għalf tal-proteini organiku għat-tjur u l-annimali porċini, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-temma jew l-estensjoni ta’ derogi u awtorizzazzjonijiet dwar l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku, ta’ annimali mhux organiċi u ta’ għalf tal-proteini mhux organiku għat-tjur u l-annimali porċini.

(108)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri li jiżguraw transizzjoni mingħajr xkiel għall-qafas legali li jirregola l-importazzjoni tal-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni kif modifikat b’dan ir-Regolament.

(109)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għall-iskadenza tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għall-fini tal-ekwivalenza mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, u jenħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jindirizzaw is-sitwazzjoni sal-iskadenza tar-rikonoxximent tagħhom. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll dispożizzjonijiet rigward applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi għar-rikonoxximent għall-fini ta’ ekwivalenza li ġew ippreżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 u li huma pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(110)

Sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni tal-lista tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti għall-fini tal-ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll jenħtieġ li jibagħtu għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom u fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni mill-Kummissjoni.

(111)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-tlestija tal-eżami tal-applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi għar-rikonoxximent għall-fini tal-ekwivalenza li jkunu pendenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati ċerti atti jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tar-regoli proċedurali meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjonijiet pendenti minn pajjiżi terzi.

(112)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni rigward id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ perijodu preċedenti, bħala parti mill-perijodu ta’ konverżjoni, fir-rigward tal-perijodu minimu għat-tagħlif b’ħalib tal-omm ta’ annimali mhux miftumin u ċerti regoli tekniċi għall-postijiet fejn jinżammu l-bhejjem u l-prattiki ta’ trobbija, fir-rigward ta’ regoli dettaljati dwar id-densità ta’ ħażna u l-karatteristiċi speċifiċi għal sistemi ta’ produzzjoni u ta’ konteniment għal kull speċi jew għal kull grupp ta’ speċijiet ta’ alga u ta’ annimal tal-akkwakultura, fir-rigward tat-tekniki awtorizzati fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel u tal-għalf, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika b’mod ġenerali, u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, kif ukoll l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet, u fir-rigward tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni u l-listi ta’ tali prodotti u s-sustanzi u, fejn xieraq, id-deskrizzjoni, ir-rekwiżit kompożizzjonali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ tali prodotti.

(113)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dettalji tekniċi għall-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-bażijiet tad-data li jelenkaw il-materjal riproduttiv organiku tal-pjanti jew fil-fażi ta’ konverżjoni disponibbli miksub bil-metodu tal-produzzjoni organika, fir-rigward tad-dettalji tekniċi għall-istabbiliment u ż-żamma tas-sistemi li jagħmlu disponibbli d-data dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew l-annimali organiċi jew annimali organiċi tal-akkwakultura żgħar, u l-speċifikazzjonijiet għall-ġbir ta’ data għal dak il-għan, fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ operaturi f’dawk is-sistemi, u fir-rigward ta’ dettalji li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stat Membru fir-rigward tad-derogi mill-użu ta’ materjal riproduttiv organiku tal-pjanti, annimali organiċi u għalf organiku, u fir-rigward tad-disponibbiltà fis-suq ta’ ċerti prodotti organiċi.

(114)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati u riveduti mill-operaturi biex jidentifikaw u jevitaw ir-riskju tal-kontaminazzjoni tal-produzzjoni u l-prodotti organiċi minn prodotti u sustanzi mhux awtorizzati, rigward il-passi proċedurali li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ suspett ta’ nonkonformità u d-dokumenti rilevanti, rigward il-metodoloġija għall-individwazzjoni u l-evalwazzjoni tal-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati, u rigward id-dettalji u l-format tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet dwar il-preżenza ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati.

(115)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għat-tikkettar u r-reklamar ta’ ċerti prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni, fir-rigward tal-arranġamenti prattiċi għall-użu, il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni u d-daqs tal-indikazzjonijiet li jirreferu għan-numri ta’ kodiċi tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, u l-użu, il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni u d-daqs tal-indikazzjoni tal-post fejn il-materja prima agrikola tkun ġiet ikkultivata, fir-rigward tal-assenjazzjoni ta’ numri ta’ kodiċi lill-awtoritajiet ta’ kontroll u lill-korpi ta’ kontroll u fir-rigward tal-indikazzjoni tal-post fejn il-materja prima agrikola tkun ġiet ikkultivata.

(116)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dettalji u s-speċifikazzjonijiet rigward il-format u l-mezzi tekniċi li bihom operaturi u gruppi ta’ operaturi għandhom jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward tal-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tal-listi ta’ tali operaturi u gruppi ta’ operaturi, fir-rigward tal-proċeduri u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tat-tariffi li jistgħu jinġabru rigward il-kontrolli, fir-rigward tad-dettalji u l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-forma taċ-ċertifikat għal operaturi u gruppi ta’ operaturi u l-mezzi tekniċi li bihom dan jinħareġ, fir-rigward tal-kompożizzjoni u d-dimensjonijiet ta’ gruppi ta’ operaturi, fir-rigward tad-dokumenti u s-sistemi taż-żamma ta’ rekords rilevanti, fir-rigward tas-sistema għat-traċċabbiltà interna u l-lista ta’ operaturi, u fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn gruppi ta’ operaturi u awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll, u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

(117)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-perċentwal minimu tal-kontrolli uffiċjali kollha li għandhom jitwettqu mingħajr avviż minn qabel u perċentwal minimu ta’ kontrolli addizzjonali, kif ukoll l-għadd minimu ta’ kampjuni li għandhom jittieħdu u ta’ operaturi li għandhom jiġu kkontrollati fi ħdan grupp ta’ operaturi, fir-rigward ta’ rekords sabiex tintwera l-konformità, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra li jkunu neċessarji għall-kontrolli uffiċjali, fir-rigward tal-miżuri prattiċi rilevanti biex tiġi żgurata l-konformità, fir-rigward ta’ arranġamenti uniformi f’każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri b’rabta ma’ nonkonformità suspettata jew nonkonformità stabbilita, fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-każ ta’ nonkonformità suspettata jew nonkonformità stabbilita, fir-rigward tad-destinatarji ta’ tali informazzjoni, u fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta’ tali informazzjoni, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sistema kompjuterizzata użata.

(118)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut ta’ ċertifikati ta’ spezzjoni maħruġa minn pajjiżi terzi, fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita għall-ħruġ u l-verifika ta’ tali ċertifikati, fir-rigward tal-mezzi tekniċi li permezz tagħhom jinħarġu tali ċertifikati, fir-rigward tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll kompetenti li jwettqu l-kontrolli u joħorġu ċertifikat organiku f’pajjiżi terzi, kif ukoll l-irtirar ta’ tali rikonoxximent, fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll, fir-rigward tar-regoli biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ miżuri b’rabta mal-każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita, b’mod partikolari dawk il-każijiet li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni importati, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ lista ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 u l-emenda ta’ dik il-lista, u fir-rigward tar-regoli li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri b’rabta mal-każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita, b’mod partikolari każijiet li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni importati minn dawk il-pajjiżi.

(119)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tas-sistema li għandha tintuża biex tintbagħat l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tad-dettalji tal-informazzjoni li għandha tintbagħat, u sa liema data għandha tintbagħat dik l-informazzjoni u rigward l-istabbiliment tal-lista tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u l-emenda ta’ dik il-lista.

(120)

Jenħtieġ li s-setgħat konferiti lill-Kummissjoni jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31).

(121)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu applikabbli minnufih meta, f’każijiet ġustifikati marbuta ma’ prattiki inġusti jew prattiki li huma inkompatibbli mal-prinċipji u r-regoli dwar il-produzzjoni organika, mal-protezzjoni tal-fiduċja tal-konsumaturi jew mal-protezzjoni tal-kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi, ikun hemm raġunijiet importanti ferm ta’ urġenza li jirrikjedu hekk, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ miżuri b’rabta mal-każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita, taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet ta’ kontroll jew ta’ korpi ta’ kontroll rikonoxxuti.

(122)

Jenħtieġ li ssir dispożizzjoni biex ikun permess l-użu sħiħ wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tal-istokkijiet ta’ prodotti li ġew prodotti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 834/2007 qabel dik id-data.

(123)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-kompetizzjoni ġusta u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti organiċi, kif ukoll l-iżgurar tal-fiduċja tal-konsumatur f’dawk il-prodotti u fil-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, fid-dawl tal-armonizzazzjoni tar-regoli meħtieġa dwar il-produzzjoni organika, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(124)

Huwa xieraq li tiġi prevista data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament li tagħti l-possibbiltà lill-operaturi li jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji tal-produzzjoni organika u jistipula r-regoli dwar il-produzzjoni organika, iċ-ċertifikazzjoni relatata u l-użu ta’ indikazzjonijiet li jirreferu għall-produzzjoni organika fit-tikkettar u r-reklamar, kif ukoll ir-regoli dwar kontrolli addizzjonali għal dawk stipulati fir-Regolament (UE) 2017/625.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin li joriġinaw mill-agrikoltura, inkluż l-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, kif elenkati fl-Anness I għat-TFUE u għall-prodotti li joriġinaw minn dawk il-prodotti, fejn tali prodotti jkunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnha:

(a)

prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati, inkluż materjal taż-żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti;

(b)

prodotti agrikoli proċessati għall-użu bħala ikel;

(c)

għalf.

Dan ir-Regolament japplika wkoll għal ċerti prodotti oħra marbuta mill-qrib mal-agrikoltura elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament fejn dawn ikunu, jew ikunu maħsuba li jkunu, prodotti, ippreparati, ittikkettati, distribwiti, imqiegħda fis-suq, importati fl-Unjoni jew esportati minnu.

2.   Dan ir-Regolament japplika għal kull operatur involut, fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, f’attivitajiet marbutin mal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-operazzjonijiet ta’ forniment tal-ikel tal-massa mwettqa minn fornitur tal-ikel tal-massa (caterers tal-massa) kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 mhumiex soġġetti għal dan ir-Regolament ħlief kif stipulat f’dan il-paragrafu.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw regoli nazzjonali jew, fin-nuqqas tagħhom, standards privati dwar il-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll ta’ prodotti li joriġinaw minn operazzjonijiet ta’ forniment tal-ikel tal-massa. Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea ma għandux jintuża fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni jew fir-reklamar ta’ tali prodotti, u ma għandux jintuża għar-reklamar tal-fornitur tal-ikel tal-massa.

4.   Ħlief meta previst mod ieħor, dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni tal-Unjoni relatata, b’mod partikolari l-leġislazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza tal-katina alimentari, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u l-materjal riproduttiv tal-pjanti.

5.   Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għal xi liġi speċifika oħra tal-Unjoni marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti u, b’mod partikolari, għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u r-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemenda l-lista ta’ prodotti stabbilita fl-Anness I billi żżid prodotti oħrajn fil-lista, jew billi temenda dawk l-entrati miżjuda. Il-prodotti li huma marbuta mill-qrib mal-prodotti agrikoli biss għandhom ikunu eliġibbli għall-inklużjoni f’dik il-lista.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“produzzjoni organika” tfisser l-użu, inkluż waqt il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10, ta’ metodi ta’ produzzjoni li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament fl-istadji kollha tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni;

(2)

“prodott organiku” tfisser prodott li jirriżulta minn produzzjoni organika, għajr -prodott li jiġi prodotti waqt il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10. Il-prodotti tal-kaċċa jew tas-sajd ta’ annimali selvaġġi ma jitqiesux bħala prodotti organiċi;

(3)

“materja prima agrikola” tfisser prodott agrikolu li ma ġie soġġett għal ebda operazzjoni ta’ preservazzjoni jew ipproċessar;

(4)

“miżuri preventivi” tfisser miżuri li għandhom jittieħdu mill-operaturi fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-kwalità tal-ħamrija, miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-pesti u l-mard u miżuri li għandhom jittieħdu biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti;

(5)

“miżuri ta’ prekawzjoni” tfisser miżuri li għandhom jittieħdu mill-operaturi fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni biex tiġi evitata kontaminazzjoni ma’ prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u biex jiġi evitat it-taħlit ta’ prodotti organiċi ma’ prodotti mhux organiċi;

(6)

“konverżjoni” tfisser it-transizzjoni minn produzzjoni mhux organika għal produzzjoni organika f’perijodu speċifikat, li matulu japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar il-produzzjoni organika;

(7)

“prodott fil-fażi ta’ konverżjoni” tfisser prodott li l-produzzjoni tiegħu ssir matul il-perijodu ta’ konverżjoni imsemmi fl-Artikolu 10;

(8)

“azjenda” tfisser l-unitajiet kollha tal-produzzjoni li joperaw taħt ġestjoni waħda għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti agrikoli ħajjin jew mhux proċessati, inkluż prodotti li joriġinaw mill-akkwakultura u t-trobbija tan-naħal, imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) jew prodotti elenkati fl-Anness I għajr iż-żjut essenzjali u l-ħmira;

(9)

“unità tal-produzzjoni” tfisser l-assi kollha ta’ azjenda, bħal post tal-produzzjoni primarja, biċċiet ta’ artijiet agrikoli, mergħat, spazji fil-miftuħ, bini għall-bhejjem jew partijiet minnhom, doqqajs, vaski tal-ħut, sistemi u siti għaż-żamma tal-alga jew annimali tal-akkwakultura, unitajiet tat-trobbija, konċessjonijiet ta’ max-xatt jew ta’ qiegħ il-baħar, u postijiet għall-ħażna ta’ għelejjel, ta’ prodotti tar-raba’, ta’ prodotti tal-alga, ta’ prodotti tal-annimali, ta’ materja prima u ta’ kwalunkwe inputs rilevanti oħra ġestiti kif deskritt fil-punt (10), il-punt (11) jew il-punt (12);

(10)

“unità tal-produzzjoni organika” tfisser unità tal-produzzjoni, ħlief waqt il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10, li hija ġestita f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika;

(11)

“unità tal-produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni” tfisser unità tal-produzzjoni, waqt il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10, li hija ġestita f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika; din tista’ tkun magħmula minn irqajja’ ta’ art jew assi oħra li għalihom il-perijodu ta’ konverżjoni msemmi fl-Artikolu 10 jibda f’mumenti differenti;

(12)

“unità tal-produzzjoni mhux organika” tfisser unità tal-produzzjoni li mhijiex ġestita f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli għall-produzzjoni organika;

(13)

“operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli biex tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni li huma taħt il-kontroll ta’ dik il-persuna;

(14)

“bidwi” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, indipendentement mill-istatus legali ta’ tali grupp u tal-membri tiegħu skont il-liġi nazzjonali, li jeżerċitaw attività agrikola;

(15)

“żona agrikola” tfisser żona agrikola kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(16)

“pjanti” tfisser pjanti kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(17)

“materjal riproduttiv tal-pjanti” tfisser pjanti u l-partijiet kollha tal-pjanti, inkluż żrieragħ, fi kwalunkwe stadju tat-tkabbir li jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ u li huma maħsuba għal dan il-fini;

(18)

“materjal eteroġenju organiku” tfisser raggruppament ta’ pjanti f’unità tassonomika botanika unika tal-aktar grad baxx magħruf, li:

(a)

jippreżenta karatteristiċi fenotipiċi komuni;

(b)

ikun ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn l-unitajiet riproduttivi individwali, sabiex dak ir-raggruppament ta’ pjanti huwa rrappreżentat mill-materjal fl-intier tiegħu, u mhux minn għadd żgħir ta’ unitajiet;

(c)

mhuwiex varjetà fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 (33);

(d)

mhuwiex taħlita ta’ varjetajiet; u

(e)

ġie prodott f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(19)

“varjetà organika adatta għall-produzzjoni organika” tfisser varjetà kif definita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94 li:

(a)

hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ diversità ġenetika u fenotipika bejn unitajiet riproduttivi individwali; u

(b)

tirriżulta minn attivitajiet tat-tnissil organiku msemmi fil-punt 1.8.4 tal-Parti I tal-Anness II għal dan ir-Regolament;

(20)

“pjanta omm” tfisser pjanta identifikata li minnha jittieħed il-materjal riproduttiv tal-pjanti għar-riproduzzjoni ta’ pjanti ġodda;

(21)

“ġenerazzjoni” tfisser grupp ta’ pjanti li jifformaw stadju wieħed fil-linja tad-dixxendenza tal-pjanti;

(22)

“produzzjoni tal-pjanti” tfisser il-produzzjoni ta’ prodotti tar-raba’ agrikoli li tinkludi l-ħsad ta’ prodotti mill-pjanti selvaġġi għal finijiet kummerċjali;

(23)

“prodotti tal-pjanti” tfisser prodotti tal-pjanti kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(24)

“pesti” tfisser pesti kif definit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (34);

(25)

“preparazzjonijiet bijodinamiċi” tfisser taħlitiet użati tradizzjonalment fil-biedja bijodinamika;

(26)

“prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti” tfisser il-prodotti msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

(27)

“produzzjoni tal-bhejjem” tfisser il-produzzjoni ta’ annimali terrestri domestiċi jew iddomestikati, inklużi l-insetti;

(28)

“veranda” tfisser parti addizzjonali ma’ bini maħsub għat-tjur, li tkun imsaqqfa, mhux insulata u fuq barra, li l-itwal parti tagħha ġeneralment tkun mgħammra b’ċint tal-wajer jew tax-xbieki, bi klima ta’ barra, b’dawl naturali jew, fejn neċessarju b’dawl artifiċjali, u art b’mifrex (demel u tiben) ta’ taħt il-bhejjem;

(29)

“għawwietaq” tfisser annimali żgħar tal-ispeċi Gallus gallus li huma ta’ età ta’ inqas minn 18-il ġimgħa;

(30)

“tiġieġ tal-bajd” tfisser annimali żgħar tal-ispeċi Gallus gallus li huma maħsuba għall-produzzjoni tal-bajd għall-konsum u li huma ta’ età ta’ mhux inqas minn 18-il ġimgħa;

(31)

“żona li tista’ tintuża” tfisser żona li tista’ tintuża kif definita fil-punt (d) tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE (35);

(32)

“akkwakultura” tfisser akkwakultura kif definit fil-punt (25) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36);

(33)

“prodotti tal-akkwakultura” tfisser prodotti tal-akkwakultura kif definit fil-punt (34) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(34)

“faċilità magħluqa taċ-ċirkolazzjoni mill-ġdid tal-akkwakultura” tfisser faċilità fuq l-art jew f’bastiment li fiha l-akkwakultura sseħħ f’ambjent magħluq u li tinvolvi ċ-ċirkolazzjoni mill-ġdid tal-ilma u li tiddependi minn input permanenti estern tal-enerġija sabiex ikun stabbilizzat l-ambjent tal-annimali tal-akkwakultura;

(35)

“enerġija minn sorsi rinnovabbli” tfisser enerġija minn sorsi rinnovabbli li mhumiex fossili bħar-riħ, ix-xemx, il-ġeotermika, il-mewġ, il-marea, l-idroenerġija, il-gass mill-miżbla, il-gass mill-impjanti li jittrattaw id-drenaġġ u l-bijogassijiet;

(36)

“mafqas” tfisser post għat-tnissil, it-tifqis u t-trobbija matul l-ewwel stadji tal-ħajja tal-annimali tal-akkwakultura, b’mod partikulari l-ħut tal-ġewnaħ u l-frott tal-baħar;

(37)

“għadira tat-trobbija” tfisser post fejn tintuża sistema ta’ produzzjoni ta’ akkwakultura intermedja bejn il-mafqas u fejn jinżammu l-adulti. L-istadju fl-għadira tat-trobbija jitlesta fl-ewwel terz taċ-ċiklu tal-produzzjoni ħlief għall-ispeċijiet li jkunu qed jgħaddu mill-proċess tal-adattament tal-ħut mill-ilma ħelu għall-ilma baħar (smoltification);

(38)

“tniġġis tal-ilma” tfisser tniġġis kif definit fil-punt (33) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-punt (8) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (37), fl-ilmijiet li għalihom kull waħda minn dawn id-Direttivi japplikaw;

(39)

“polikultura” tfisser it-trobbija f’akkwakultura ta’ żewġ speċijiet jew iktar, li normalment ikunu minn livelli trofiċi differenti, fl-istess unità ta’ kultura;

(40)

“ċiklu tal-produzzjoni” tfisser it-tul tal-ħajja ta’ annimal jew alka tal-akkwakultura, mill-aktar stadju bikri tal-ħajja (bajd iffertilizzat, fil-każ tal-annimali fl-akkwakultura) sal-ħsad;

(41)

“speċijiet imrobbijin lokalment” tfisser speċijiet li mhumiex aljeni u lanqas mhuma speċijiet li ma jinstabux lokalment, fis-sens tal-punti (6) u (7) rispettivament, tal-Artikolu 3, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 (38), kif ukoll l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV għal dak ir-Regolament;

(42)

“trattament veterinarju” tfisser il-korsijiet kollha ta’ trattament ta’ kura jew ta’ prevenzjoni kontra okkorrenza ta’ marda speċifika;

(43)

“prodott mediċinali veterinarju” tfisser prodott mediċinali veterinarju kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (39);

(44)

“preparazzjoni” tfisser l-operazzjonijiet ta’ preservazzjoni jew ipproċessar ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, jew kwalunkwe operazzjoni oħra li titwettaq fuq prodott mhux proċessat mingħajr ma jinbidel il-prodott inizjali, bħall-qtil, it-tqattigħ, it-tindif jew it-tħin, u/jew l-ippakkjar, it-tikkettar kif ukoll l-alterazzjonijiet magħmula fit-tikkettar dwar il-produzzjoni organika;

(45)

“ikel” tfisser ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (40);

(46)

“għalf” tfisser għalf kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(47)

“materjali tal-għalf” tfisser materjali tal-għalf kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (41);

(48)

“tqegħid fis-suq” tfisser tqegħid fis-suq kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(49)

“traċċabilità” tfisser il-kapaċità li jiġi ttraċċat u segwit ikel, għalf jew kwalunkwe prodott imsemmi fl-Artikolu 2(1), u kwalunkwe sustanza maħsuba jew mistennija li tkun inkorporata fl-ikel, fl-għalf jew fi kwalunkwe prodott imsemmi fl-Artikolu 2(1), matul l-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

(50)

“stadji ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni” tfisser kwalunkwe stadju mill-produzzjoni primarja ta’ prodott organiku sal-ħażna, l-ipproċessar, it-trasport, u l-bejgħ jew il-forniment lill-konsumatur aħħari, inkluż, fejn rilevanti, it-tikkettar, ir-reklamar, l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-attivitajiet ta’ sottokuntrattar;

(51)

“ingredjent” tfisser ingredjent kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jew għal prodotti għajr ikel, kwalunkwe sustanza jew prodott użat fil-manifattura jew il-preparazzjoni ta’ prodotti li għadu preżenti fil-prodott lest, anke jekk f’forma mibdula.;

(52)

“tikkettar” tfisser kwalunkwe kelma, dettall, marka kummerċjali, isem tad-ditta, materjal bl-istampi jew simbolu li jirrigwarda prodott li jitqiegħed fuq kwalunkwe ippakkjar, dokument, avviż, tikketta, ċurkett jew kullar li jakkumpanja jew jirreferi għal dak il-prodott;;

(53)

“reklamar” tfisser kull preżentazzjoni ta’ prodotti għall-pubbliku, bi kwalunkwe mezz minbarra tikketta, li hija maħsuba biex tinfluwenza jew x’aktarx tinfluwenza u tifforma attitudni, twemmin u mġiba sabiex jiġi promoss direttament jew indirettament il-bejgħ ta’ prodotti;

(54)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser awtoritajiet kompetenti kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(55)

“awtorità ta’ kontroll” tfisser awtorità tal-kontroll organiku kif definit fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625, jew awtorità rikonoxxuta mill-Kummissjoni jew minn pajjiż terz rikonoxxut mill-Kummissjoni għall-finijiet tat-twettieq ta’ kontrolli f’pajjiżi terzi fuq l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni;

(56)

“korp ta’ kontroll” tfisser korp delegat kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2017/625, jew korp rikonoxxut mill-Kummissjoni jew minn pajjiż terz rikonoxxut mill-Kummissjoni għall-finijiet tat-twettieq ta’ kontrolli f’pajjiżi terzi fuq l-importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni fl-Unjoni;

(57)

“nonkonformità” tfisser nonkonformità ma’ dan ir-Regolament jew nonkonformità mal-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(58)

“organiżmu ġenetikament modifikat” jew “OĠM” tfisser organiżmu ġenetikament modifikat kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (42) li ma jinkisibx permezz ta’ tekniki ta’ modifikazzjoni ġenetika elenkati fl-Anness I.B għal dik id-Direttiva;

(59)

“prodott minn OĠM” tfisser idderivat kollu jew parti minnu minn OĠM iżda li ma jinkludix jew ma jikkonsistix f’OĠM;

(60)

“prodott permezz ta’ OĠM” tfisser idderivat bl-użu ta’ OĠM bħala l-aħħar organiżmu ħaj fil-proċess ta’ produzzjoni, iżda li ma fihx jew ma jikkonsistix minn OĠM u lanqas prodott minn OĠM;

(61)

“addittiv tal-ikel” tfisser addittiv tal-ikel kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (43);

(62)

“addittivi tal-għalf” tfisser addittivi tal-ikel kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (44);

(63)

“nanomaterjal maħdum” tfisser nanomaterjal maħdum kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (45);

(64)

“ekwivalenza” tfisser l-ilħuq tal-istess objettivi u prinċipji bl-applikazzjoni ta’ regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ garanzija ta’ konformità;

(65)

“għajnuna għall-ipproċessar” tfisser għajnuna għall-ipproċessar kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għall-ikel u fil-punt (h) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 għall-għalf;

(66)

“enżima tal-ikel” tfisser enżima tal-ikel kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (46);

(67)

“radjazzjoni jonizzanti” tfisser radjazzjoni jonizzanti kif definit fil-punt (46) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom (47);

(68)

“ikel ippakkjat bil-lest” tfisser ikel ippakkjat bil-lest kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011;

(69)

“akkomodazzjoni għat-tjur” tfisser bini fiss jew mobbli għall-akkomodazzjoni ta’ qatgħat ta’ tjur, li jinkludi s-superfiċji kollha mgħottijin b’soqfa, inkluż veranda; l-akkomodazzjoni tista’ tinqasam f’kompartimenti separati, b’kull waħda takkomoda qatgħa waħda;

(70)

“kultivazzjoni ta’ għelejjel relatata mal-ħamrija” tfisser il-produzzjoni f’ħamrija ħajja jew f’ħamrija li tkun mħallta jew fertilizzata b’materjali u prodotti li jkunu permessi fil-produzzjoni organika b’rabta mas-sottoswol u s-sodda ta’ blat;

(71)

“prodotti mhux proċessati” tfisser prodotti mhux proċessati kif definiti fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48), irrispettivament mill-operazzjonijiet ta’ ppakkjar jew tikkettar;

(72)

“prodotti proċessati” tfisser prodotti proċessati kif definit fil-punt (o) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, irrispettivament mill-operazzjonijiet ta’ ppakkjar jew tikkettar;

(73)

“proċessar” tfisser proċessar kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004; dan jinkludi l-użu ta’ sustanzi msemmija fl-Artikolu 24 u 25 ta’ dan ir-Regolament iżda ma jinkludix operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

(74)

“integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni”, tfisser il-fatt li l-prodott ma jippreżentax nonkonformità li:

(a)

fi kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni taffettwa l-karatteristiċi organiċi jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni tal-prodott; jew

(b)

tkun ripetittiva jew intenzjonali;

(75)

“maqjel” tfisser magħlaq li jinkludi parti li fiha l-annimali jingħataw kenn minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp.

KAPITOLU II

OBJETTIVI U PRINĊIPJI TAL-PRODUZZJONI ORGANIKA

Artikolu 4

Objettivi

Il-produzzjoni organika għandha tfittex li tilħaq l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a)

tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u l-klima;

(b)

iżżomm il-fertilità fit-tul tal-ħamrija;

(c)

tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ bijodiversità;

(d)

tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal ambjent mhux tossiku;

(e)

tikkontribwixxi għal standards għoljin dwar it-trattament xieraq tal-annimali u, b’mod partikolari, għall-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ mġiba speċifiċi skont l-ispeċi tal-annimali;

(f)

tinkoraġġixxi kanali ta’ distribuzzjoni qosra u produzzjoni lokali fid-diversi żoni tal-Unjoni;

(g)

tinkoraġġixxi l-preservazzjoni ta’ razez rari u razez lokali fil-periklu ta’ estinzjoni;

(h)

tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-provvista ta’ materjal ġenetiku tal-pjanti adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi u għall-objettivi tal-agrikoltura organika;

(i)

tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ bijodiversità, b’mod partikolari bl-użu ta’ materjal ġenetiku divers tal-pjanti, bħal materjal eteroġeneu organiku u varjetajiet organiċi adatti għall-produzzjoni organika;

(j)

trawwem l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ tnissil organiku tal-pjanti sabiex tikkontribwixxi għal perspettivi ekonomiċi favorevoli tas-settur organiku.

Artikolu 5

Prinċipji ġenerali

Il-produzzjoni organika hija sistema ta’ ġestjoni sostenibbli li hija bbażata fuq il-prinċipji ġenerali li ġejjin:

(a)

ir-rispett għas-sistemi u ċ-ċikli tan-natura u s-sosteniment u t-titjib tal-kundizzjoni tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, tas-saħħa tal-pjanti u tal-annimali, u tal-bilanċ bejniethom;

(b)

il-preservazzjoni tal-elementi naturali tal-pajżaġġ, bħal siti ta’ wirt naturali;

(c)

l-użu responsabbli tal-enerġija u r-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija, il-materja organika u l-arja;

(d)

il-produzzjoni ta’ varjetà kbira ta’ ikel u prodotti agrikoli u tal-akkwakultura oħrajn ta’ kwalità għolja li jirrispondu għad-domanda tal-konsumaturi għal oġġetti prodotti li huma manifatturati bl-użu ta’ proċessi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, lis-saħħa tal-bniedem, lis-saħħa tal-pjanti jew lis-saħħa u l-benessri tal-annimali;

(e)

l-iżgurar tal-integrità tal-produzzjoni organika fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-ikel u l-għalf;

(f)

it-tfassil u l-ġestjoni adatti ta’ proċessi bijoloġiċi, bbażati fuq sistemi ekoloġiċi u bl-użu ta’ riżorsi naturali li huma interni fis-sistema ta’ ġestjoni, bl-użu ta’ metodi li:

(i)

jużaw organiżmi ħajjin u metodi mekkaniċi ta’ produzzjoni;

(ii)

jipprattikaw il-kultivazzjoni ta’ għelejjel relatata mal-ħamrija u l-produzzjoni tal-bhejjem relatata mal-art, jew jipprattikaw akkwakultura li tikkonforma mal-prinċipju tal-isfruttament sostenibbli tar- riżorsi akkwatiċi;

(iii)

jeskludu l-użu ta’ OĠM u prodotti li jiġu prodotti minn OĠM jew prodotti li jiġu prodotti permezz ta’ OĠM, ħlief prodotti mediċinali veterinarji;

(iv)

huma bbażati fuq valutazzjoni tar-riskju u l-użu ta’ miżuri ta’ prekawzjoni u preventivi, fejn xieraq;

(g)

ir-restrizzjoni tal-użu ta’ inputs esterni; fejn jkunu meħtieġa inputs esterni jew meta l-prattiki u l-metodi ta’ ġestjoni adatti msemmija fil-punt (f) ma jkunux jeżistu, dawk l-inputs esterni għandhom jiġu limitati għal:

(i)

inputs mill-produzzjoni organika; fil-każ tal-materjal riproduttiv tal-pjanti, għandha tingħata prijorità lill-varjetajiet magħżula minħabba l-kapaċità tagħhom li jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-objettivi speċifiċi tal-agrikoltura organika;

(ii)

sustanzi naturali jew sustanzi dderivati b’mod naturali;

(iii)

fertilizzanti minerali b’solubbiltà baxxa;

(h)

l-adattament tal-proċess ta’ produzzjoni, fejn meħtieġ, u fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, biex jittieħed kont tal-istatus sanitarju, id-differenzi reġjonali fil-bilanċ ekoloġiku, l-kundizzjonijiet klimatiċi u lokali, l-istadji ta’ żvilupp u l-prattiki speċifiċi tat-trobbija;

(i)

esklużjoni mill-katina alimentari organika kollha tal-klonazzjoni ta’ annimali, tat-trobbija ta’ annimali poliplojdi maħluqa artifiċjalment u tar-radjazzjoni jonizzanti;

(j)

l-osservanza ta’ livell għoli ta’ trattament xieraq tal-annimali filwaqt li jiġu rispettati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ispeċijiet.

Artikolu 6

Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-attivitajiet agrikoli u l-akkwakultura

Fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli u tal-akkwakultura, il-produzzjoni organika għandha, b’mod partikolari, tkun ibbażata fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

(a)

iż-żamma u t-titjib tal-ħajja tal-ħamrija u l-fertilità naturali tal-ħamrija, l-istabbiltà tal-ħamrija u ż-żamma tal-ilma mill-ħamrija u l-bijodiversità tal-ħamrija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-telf ta’ materja organika fil-ħamrija, il-kompressjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, u l-kisba tan-nutriment tal-pjanti primarjament permezz tal-ekosistema tal-ħamrija;

(b)

il-limitazzjoni tal-użu ta’ riżorsi mhux rinnovabbli u l-inputs esterni għal-livell minimu possibbli;

(c)

ir-riċiklaġġ tal-iskart u tal-prodotti sekondarji li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali bħala input għall-produzzjoni tal-pjanti u tal-bhejjem;

(d)

iż-żamma tas-saħħa tal-pjanti permezz ta’ miżuri preventivi, b’mod partikolari l-għażla xierqa ta’ speċijiet, varjetajiet jew materjal eteroġeneu reżistenti għall-pesti u għall-mard, newbat adatti tal-għelejjel, metodi mekkaniċi u fiżiċi u l-protezzjoni tal-għedewwa naturali tal-pesti;

(e)

l-użu ta’ żrieragħ u annimali bi grad għoli ta’ diversità ġenetika, reżistenza għall-mard u lonġevità;

(f)

fl-għażla ta’ varjetajiet ta’ pjanti, b’kont meħud tal-partikolaritajiet tas-sistemi tal-produzzjoni organika speċifiċi, b’fokus fuq il-prestazzjoni agronomika, ir-reżistenza għall-mard, l-adattament għal kundizzjonijiet tal-ħamrija u klimatiċi lokali diversi u r-rispett għall-barrieri naturali għall-inkroċjar;

(g)

l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, bħal materjal riproduttiv tal-pjanti tal-materjal eteroġenju organiku u ta’ varjetajiet organiċi adatti għall-produzzjoni organika;

(h)

il-produzzjoni ta’ varjetajiet organiċi permezz ta’ kapaċità riproduttiva naturali u b’fokus fuq it-trażżin fil-barrieri naturali għall-inkroċjar;

(i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 2100/94, u għad-drittijiet nazzjonali ta’ varjetajiet ta’ pjanti mogħtija mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri, il-possibbiltà li l-bdiewa jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti miksub mir-razzetti tagħhom stess sabiex irawmu riżorsi ġenetiċi adattati għall-kundizzjonijiet speċjali tal-produzzjoni organika;

(j)

fl-għażla ta’ razez ta’ annimali, b’kont meħud ta’ grad għoli ta’ diversità ġenetika, il-kapaċità tal-annimali li jadattaw għall-kundizzjonijiet lokali, il-valur tat-tnissil tagħhom, il-lonġevità tagħhom, il-vitalità tagħhom u r-reżistenza tagħhom għall-mard u l-problemi tas-saħħa;

(k)

il-prattika tal-produzzjoni tal-bhejjem adattata għall-post u relatata mal-art;

(l)

l-applikazzjoni ta’ prattiki ta’ trobbija tal-annimali li jtejbu s-sistema ta’ immunità u jsaħħu d-difiżi naturali kontra l-mard, li jinkludu l-eżerċizzju regolari u l-aċċess għal żoni fil-beraħ u l-mergħat;

(m)

it-tagħlif tal-bhejjem b’għalf organiku magħmul minn ingredjenti agrikoli li jirriżultaw mill-produzzjoni organika u minn sustanzi naturali mhux agrikoli;

(n)

il-produzzjoni ta’ prodotti organiċi tal-bhejjem minn annimali li, matul il-ħajja tagħhom, sa mit-twelid jew mit-tfaqqis tagħhom, trabbew f’azjendi organiċi;

(o)

is-saħħa kontinwa tal-ambjent akkwatiku u l-kwalità tal-ekosistemi akkwatiċi u terrestri tal-madwar;

(p)

it-tagħlif tal-organiżmi akkwatiċi b’għalf li ġej mis-sajd sfruttat b’mod sostenibbli f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jew b’għalf organiku magħmul minn ingredjenti agrikoli li jirriżultaw minn produzzjoni organika, inkluż l-akkwakultura organika, u minn sustanzi naturali mhux agrikoli;

(q)

l-evitar ta’ kwalunkwe periklu għall-ispeċijiet ta’ interess għall-konservazzjoni li jista’ jirriżulta minn produzzjoni organika.

Artikolu 7

Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar tal-ikel organiku

Il-produzzjoni tal-ikel organiku proċessat għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

(a)

il-produzzjoni tal-ikel organiku minn ingredjenti agrikoli organiċi;

(b)

ir-restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-ikel, ta’ ingredjenti mhux organiċi b’funzjonijiet prinċipalment teknoloġiċi u sensorji u ta’ mikronutrijenti u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex dawn jintużaw għal limitu minimu u f’każijiet ta’ bżonn teknoloġiku essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari biss;

(c)

l-esklużjoni ta’ sustanzi u metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu fir-rigward tan-natura vera tal-prodott;

(d)

l-ipproċessar b’attenzjoni tal-ikel organiku, preferibbilment bl-użu ta’ metodi bijoloġiċi, mekkaniċi u fiżiċi;

(e)

l-esklużjoni ta’ ikel li jkun fih, jew jikkonsisti minn, nanomaterjali maħdumin.

Artikolu 8

Prinċipji speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ għalf organiku

Il-produzzjoni tal-għalf organiku proċessat għandha tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji speċifiċi li ġejjin:

(a)

il-produzzjoni tal-għalf organiku minn materjali tal-għalf organiċi;

(b)

ir-restrizzjoni tal-użu ta’ addittivi tal-għalf u għajnuniet għall-ipproċessar, sabiex dawn jintużaw sa limitu minimu u f’każijiet ta’ ħtiġijiet teknoloġiċi jew żootekniċi essenzjali jew għal finijiet nutrizzjonali partikolari biss;

(c)

l-esklużjoni ta’ sustanzi u metodi ta’ pproċessar li jistgħu jqarrqu fir-rigward tan-natura vera tal-prodott;

(d)

l-ipproċessar b’attenzjoni tal-għalf organiku, preferibbilment bl-użu ta’ metodi bijoloġiċi, mekkaniċi u fiżiċi.

KAPITOLU III

REGOLI DWAR IL-PRODUZZJONI

Artikolu 9

Regoli ġenerali dwar il-produzzjoni

1.   L-operaturi għandhom jikkonformaw mar-regoli ġenerali dwar il-produzzjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   L-azjenda sħiħa għandha tkun ġestita f’konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament li japplikaw għall-produzzjoni organika.

3.   Għall-finijiet u l-użi msemmija fl-Artikolu 24 u l-Artikolu 25 u fl-Anness II, fil-produzzjoni organika jistgħu jintużaw biss il-prodotti u s-sustanzi li jkunu ġew awtorizzati skont dawk id-dispożizzjonijiet, dment li l-użu tagħhom fil-produzzjoni mhux organika jkun ġie awtorizzat ukoll f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u, fejn applikabbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-liġi tal-Unjoni.

Il-prodotti u s-sustanzi li ġejjin imsemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandhom jitħallew jintużaw għall-użu fil-produzzjoni organika, dment li jkunu awtorizzati skont dak ir-Regolament:

(a)

aġenti protettivi, sinerġizzanti u koformulanti bħala komponenti ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

(b)

aġġuvanti li għandhom jitħalltu ma’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

L-użu fil-produzzjoni organika ta’ prodotti u sustanzi użati għal finijiet li mhumiex koperti b’dan ir-Regolament għandu jkun permess, dment li l-użu tagħhom jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II.

4.   Ir-radjazzjoni jonizzanti ma għandhiex tintuża fit-trattament tal-ikel jew tal-għalf organiku, jew fit-trattament tal-materja prima użata fl-ikel jew fl-għalf organiku.

5.   L-użu ta’ klonazzjoni tal-annimali, u t-trobbija ta’ annimali poliplojdi maħluqa artifiċjalment, għandu jkun ipprojbit.

6.   Għandhom jittieħdu miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni, fejn adatt, f’kull stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni.

7.   Minkejja l-paragrafu 2, azjenda tista’ tinqasam f’unitajiet tal-produzzjoni li jkunu separati b’mod ċar u effettiv skont il-produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni u dik mhux organika, dment li fil-każ tal-unitajiet tal-produzzjoni mhux organika:

(a)

fir-rigward tal-bhejjem, ikunu involuti speċijiet differenti;

(b)

fir-rigward tal-pjanti, ikunu involuti varjetajiet differenti li jkunu jistgħu jiġu differenzjati faċilment.

Fir-rigward tal-alga u l-annimali tal-akkwakultura, jistgħu jiġu involuti l-istess speċijiet, dment li jkun hemm separazzjoni ċara u effettiva bejn is-siti jew l-unitajiet tal-produzzjoni.

8.   B’deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 7, fil-każ ta’ għelejjel perenni li jeħtieġu perijodu ta’ kultivazzjoni ta’ mill-inqas tliet snin, jistgħu jkunu involuti varjetajiet differenti li ma jistgħux jiġu differenzjati faċilment, jew l-istess varjetajiet, dment li l-produzzjoni inkwistjoni tkun fil-kuntest ta’ pjan ta’ konverżjoni, u dment li l-konverżjoni tal-aħħar parti taż-żona marbuta mal-produzzjoni inkwistjoni għall-produzzjoni organika tibda kemm jista’ jkun malajr u titlesta f’perijodu massimu ta’ ħames snin.

F’każijiet bħal dawn:

(a)

il-bidwi għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità jew il-korp ta’ kontroll, bil-bidu tal-ħsad ta’ kull wieħed mill-prodotti kkonċernati mill-inqas 48 siegħa qabel;

(b)

malli jitlesta l-ħsad, il-bidwi għandu jinforma lill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità jew il-korp ta’ kontroll, dwar il-kwantitajiet preċiżi maħsuda mill-unitajiet ikkonċernati u dwar il-miżuri li ttieħdu biex jiġu sseparati l-prodotti;

(c)

il-pjan ta’ konverżjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata s-separazzjoni effettiva u ċara għandhom jiġu kkonfermati kull sena mill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, mill-awtorità jew il-korp ta’ kontroll, wara l-bidu tal-pjan ta’ konverżjoni.

9.   Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-ispeċijiet u l-varjetajiet differenti, stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 7, ma għandhomx japplikaw fil-każ taċ-ċentri għar-riċerka u l-edukazzjoni, l-għadajjar għat-trobbija tal-pjanti, il-multiplikaturi taż-żerriegħa u l-operazzjonijiet ta’ tnissil.

10.   Meta, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 7, 8 u 9, mhux l-unitajiet tal-produzzjoni kollha ta’ azjenda jkunu ġestiti skont regoli tal-produzzjoni organika, l-operaturi għandhom:

(a)

iżommu separati l-prodotti użati għall-unitajiet tal-produzzjoni organika u dik fil-fażi ta’ konverżjoni minn dawk użati għal unitajiet tal-produzzjoni mhux organika;

(b)

iżommu l-prodotti li jiġu prodotti mill-unitajiet tal-produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni u dik mhux organika separati minn xulxin;

(c)

iżommu rekords adegwati biex juru s-separazzjoni effettiva tal-unitajiet tal-produzzjoni u tal-prodotti.

11.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemenda l-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu billi żżid regoli addizzjonali dwar il-qsim ta’ azjenda f’unitajiet ta’ produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni u dik mhux organika, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I, jew li temenda dawk ir-regoli miżjuda.

Artikolu 10

Konverżjoni

1.   Il-bdiewa u l-operaturi li jipproduċu l-alga jew l-annimali tal-akkwakultura għandhom jikkonformaw ma’ perijodu ta’ konverżjoni. Matul il-perijodu kollu ta’ konverżjoni huma għandhom japplikaw ir-regoli kollha dwar il-produzzjoni organika stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari, ir-regoli applikabbli dwar il-konverżjoni stabbiliti f’dan l-Artikolu u fl-Anness II.

2.   Il-perijodu ta’ konverżjoni m’għandux jibda qabel ma l-bidwi jew l-operatur li jipproduċi alga jew annimali tal-akkwakultura jkun innotifika l-attività lill-awtoritajiet kompetenti, skont l-Artikolu 34(1), fl-Istat Membru fejn titwettaq l-attività u fejn l-azjenda ta’ dak il-bidwi jew operatur tkun soġġetta, għas-sistema ta’ kontrolli.

3.   Ma jista’ jiġi rikonoxxut ebda perijodu preċedenti b’mod retroattiv bħala parti mill-perijodu ta’ konverżjoni, ħlief meta:

(a)

l-irqajja’ tal-art tal-operatur kienu soġġetti għal miżuri li kienu definiti fi programm implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għall-finijiet li jiżguraw li f’dawk l-irqajja’ tal-art ma kien intuża ebda prodott jew sustanza għajr dik awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika; jew

(b)

l-operatur jista’ jagħti prova li l-irqajja’ tal-art kienu zoni naturali jew agrikoli li, għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin, ma kinux ġew ittrattati bi prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika.

4.   Il-prodotti li jiġu prodotti matul il-perijodu ta’ konverżjoni ma għandhomx jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti organiċi jew bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni.

Madankollu, il-prodotti li ġejjin li jiġu prodotti fil-perijodu ta’ konverżjoni u f’konformità mal-paragrafu 1 jistgħu jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni:

(a)

materjal riproduttiv tal-pjanti, dment li jkun ġie rrispettat perijodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar;

(b)

prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti u għalf li joriġina mill-pjanti, dment li l-prodott ikun fih ingredjent wieħed biss tal-għelejjel agrikoli, u dment li jkun ġie rrispettat perijodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas 12-il xahar qabel il-ħsad.

5.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-punt 1.2.2 tal-Parti II tal-Anness II billi żżid regoli ta’ konverżjoni għal speċijiet minbarra dawk regolati fil-Parti II tal-Anness II fis-17 ta’ Ġunju 2018, jew billi temenda dawk ir-regoli miżjuda.

6.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw id-dokumenti li għandhom jiġu pprovduti għall-finijiet tar-rikonoxximent retroattiv ta’ perijodu preċedenti f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 11

Projbizzjoni tal-użu ta’ OĠM

1.   L-OĠM, prodotti li jiġu prodotti minn OĠM, u prodotti li jiġu prodotti permezz ta’ OĠM ma għandhomx jintużaw fl-ikel jew fl-għalf, jew bħala ikel, għalf, għajnuniet għall-ipproċessar, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, fertilizzanti, tejjieba tal-ħamrija, materjal riproduttiv tal-pjanti, mikroorganiżmi jew annimali fil-produzzjoni organika.

2.   Għall-finijiet tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, fir-rigward ta’ OĠM u prodotti li jiġu prodotti minn OĠM għall-ikel u l-għalf, l-operaturi jistgħu jiddependu fuq it-tikketti ta’ prodott li twaħħlu jew li ġew ipprovduti skont id-Direttiva 2001/18/KE, ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (49) jew ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (50) jew kwalunkwe dokument ta’ akkumpanjament ipprovdut skont dawn l-atti legali.

3.   L-operaturi jistgħu jassumu li ebda OĠM u ebda prodott li jiġu prodotti minn OĠM ma ntużaw fil-manifattura tal-ikel u tal-għalf mixtrija fejn tali prodotti ma jkollhomx tikketta li twaħħlet jew li ġiet ipprovduta, jew ma jkunux akkumpanjati minn dokument ipprovdut, skont l-atti legali msemmija fil-paragrafu 2, sakemm ma jkunux kisbu informazzjoni oħra li tindika li t-tikkettar tal-prodotti kkonċernati mhuwiex konformi ma’ dawk l-atti legali.

4.   Għall-finijiet tal-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, rigward prodotti li mhumiex koperti mill-paragrafi 2 u 3, l-operaturi li jużaw prodotti mhux organiċi mixtrija minn partijiet terzi għandhom jesiġu li l-bejjiegħ jikkonferma li dawk il-prodotti mhumiex prodotti minn OĠM jew prodotti permezz ta’ OĠM.

Artikolu 12

Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti

1.   L-operaturi li jipproduċu l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar- regoli dettaljati stabbiliti fil-Parti I tal-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

il-punti 1.3 u 1.4 tal-Parti I tal-Anness II fir-rigward ta’ derogi;

(b)

il-punt 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II fir-rigward tal-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u dak mhux organiku;

(c)

il-punt 1.9.5 tal-Parti I tal-Anness II billi jżidu aktar dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ftehimiet bejn operaturi ta’ azjendi agrikoli, jew billi jemendaw dawk id-dispożizzjonijiet miżjuda;

(d)

il-punt 1.10.1 tal-Parti I tal-Anness II billi jżidu aktar miżuri għall-ġestjoni tal-pesti u l-ħaxix ħażin, jew billi jemendaw dawk id-dispożizzjonijiet miżjuda;

(e)

il-Parti I tal-Anness II billi jżidu aktar regoli dettaljati u prattiki ta’ kultivazzjoni għal pjanti u prodotti mill-pjanti speċifiċi, inkluż ir-regoli għal żerriegħa mnibbta, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet speċifiċi għalt-it-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku

1.   Materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku jista’ jiġi kummerċjalizzat mingħajr ma jikkonforma mar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u mingħajr ma jikkonforma mal-kategoriji ta’ ċertifikazzjoni għal materjal prebażiku, bażiku u ċċertifikat jew mar-rekwiżiti għal kategoriji oħra, li huma stabbiliti fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KEE, 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE, 2002/56/KE, 2002/57/KE, 2008/72/KE u 2008/90/KE jew atti adottati skont dawk id-Direttivi.

2.   Materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku kif imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi kummerċjalizzat b’segwitu għal notifika ta’ materjal eteroġenju organiku mill-fornitur lill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 68/193/KEE, 98/56/KE, 2002/53/KE, 2002/54/KE, 2002/55/KE, 2002/56/KE, 2002/57/KE, 2008/72/KE u 2008/90/KE, magħmula permezz ta’ dossier li jkun fih:

(a)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant;

(b)

l-ispeċijiet u d-denominazzjoni tal-materjal eteroġenju organiku;

(c)

id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi agronomiċi u fenotipiċi ewlenin li huma komuni għal dak ir-raggruppament ta’ pjanti, inkluż il-metodi ta’ tnissil, kwalunkwe riżultat disponibbli minn testijiet, dwar dawk il-karatteristiċi, il-pajjiż ta’ produzzjoni u l-materjal ġenitur użat;

(d)

dikjarazzjoni tal-applikant dwar l-veraċità tal-elementi fil-punti (a), (b) u (c); u

(e)

kampjun rappreżentattiv.

Dik in-notifika għandha tintbagħat permezz ta’ ittra rreġistrata, jew permezz ta’ kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni aċċettat mill-korpi uffiċjali, b’konferma tal-wasla mitluba.

Tliet xhur wara d-data murija fuq l-irċevuta ta’ konferma, dment li ma tkun intalbet ebda informazzjoni addizzjonali jew li ma ġie kkomunikat ebda rifjut formali lill-fornitur għal raġunijiet ta’ inkompletezza tad-dossier jew nonkonformità kif definit fl-Artikolu 3(57), il-korp uffiċjali responsabbli għandu jitqies li jkun irrikonoxxa n-notifika u l-kontenut tagħha.

Wara li jkun irrikonoxxa n-notifika b’mod espliċitu jew impliċitu, il-korp uffiċjali responsabbli jista’ jipproċedi bl-elenkar tal-materjal eteroġenju organiku nnotifikat. Dak l-elenkar għandu jkun mingħajr ħlas għall-fornitur.

L-elenkar ta’ kwalunkwe materjal eteroġenju organiku għandu jkun ikkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Tali materjal eteroġenju organiku għandu jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-atti delegati adottati f’konformità mal-paragrafu 3.

3.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jissuplimentaw dan ir-Regolament billi jistipulaw regoli li jirregolaw il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku ta’ ġeneri jew speċijiet partikolari, fir-rigward ta’:

(a)

id-deskrizzjoni tal-materjal eteroġenju organiku, inkluż il-metodi rilevanti ta’ tnissil u produzzjoni u l-materjal ġenitur użat;

(b)

ir-rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-lottijiet taż-żrieragħ, inkluż identità, purità, rati tal-irħas u kwalità sanitarja;

(c)

l-ittikkettar u l-ippakkjar;

(d)

informazzjoni u kampjuni tal-produzzjoni li jridu jinżammu mill-operaturi professjonisti;

(e)

fejn applikabbli, żamma tal-materjal eteroġenju organiku.

Artikolu 14

Regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem

1.   L-operaturi tal-bhejjem għandhom, b’mod partikolari, jikkonformaw mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti II tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

il-punti 1.3.4.2, 1.3.4.4.2 u 1.3.4.4.3 tal-Parti II tal-Anness II billi jnaqqsu l-perċentwali rigward l-oriġini tal-annimali, ladarba tkun ġiet stabbilita biżżejjed disponibbiltà ta’ annimali organiċi fis-suq tal-Unjoni;

(b)

il-punt 1.6.6 tal-Parti II tal-Anness II fir-rigward tal-limitu fuq in-nitroġenu organiku marbut mad-densità totali tal-ħażna;

(c)

il-punt 1.9.6.2(b) tal-Parti II tal-Anness II fir-rigward tat-tagħlif tal-kolonji tan-naħal;

(d)

il-punti 1.9.6.3(b) u (e) tal-Parti II tal-Anness II fir-rigward tat-trattamenti aċċettabbli għad-diżinfezzjoni tal-imġiebaħ u l-metodi u t-trattamenti għall-ġlieda kontra l-Varroa destructor;

(e)

Il-parti II tal-Anness II billi jżidu regoli dettaljati dwar il-produzzjoni tal-bhejjem għal speċijiet għajr speċijiet irregolati f’dik il-Parti fis-17 ta’ Ġunju 2018, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda, fir-rigward ta’:

(i)

derogi rigward l-oriġini tal-annimali;

(ii)

nutrizzjoni;

(iii)

l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija;

(iv)

il-kura tas-saħħa;

(v)

it-trattament xieraq tal-annimali.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-Parti II tal-Anness II li jipprovdu regoli dwar:

(a)

il-perijodu minimu li għandu jiġi osservat għat-tagħlif ta’ annimali li qed jitreddgħu b’ħalib tal-omm imsemmi fil-punt 1.4.1(g);

(b)

id-densità tal-ħażna u d-daqs minimu tal-wiċċ għal żoni fuq ġewwa u fuq barra li għandhom jiġu osservati għal speċijiet speċifiċi ta’ bhejjem biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet marbuta mal-iżvilupp, dawk fiżjoloġiċi u dawk etoloġiċi tal-annimali jiġu ssodisfati f’konformità mal-punti 1.6.3, 1.6.4 u 1.7.2,

(c)

il-karatteristiċi u r-rekwiżiti tekniċi tad-daqs minimu tal-wiċċ għal żoni fuq ġewwa u fuq barra;

(d)

il-karatteristiċi u r-rekwiżiti tekniċi tal-bini u l-imqawel għall-ispeċijiet kollha ta’ bhejjem, ħlief in-naħal, biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ żvilupp, fiżjoloġiċi u etoloġiċi tal-annimali jiġu ssodisfati f’konformità mal-punt 1.7.2;

(e)

ir-rekwiżiti għall-veġetazzjoni u l-karatteristiċi tal-faċilitajiet protetti u spazji fil-miftuħ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 15

Regoli tal-produzzjoni għall-alga u l-annimali tal-akkwakultura

1.   L-operaturi li jipproduċu alga u annimali tal-akkwakultura għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni stabbiliti fil-Parti III tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

il-punt 3.1.3.3 tal-Parti III tal-Anness II fir-rigward tal-għalf għall-annimali tal-akkwakultura karnivori;

(b)

il-punt 3.1.3.4 tal-Parti III tal-Anness II billi jżidu aktar regoli speċifiċi dwar l-għalf għal ċerti annimali tal-akkwakultura, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda;

(c)

il-punt 3.1.4.2 tal-Parti III tal-Anness II fir-rigward tat-trattamenti veterinarji għal annimali tal-akkwakultura;

(d)

Il-parti III tal-Anness II billi jżidu aktar kondizzjonijiet dettaljati għal kull speċi għall-ġestjoni, it-tnissil u l-produzzjoni taż-żgħar ta’ stokk riproduttur, jew billi jemenda dawk il-kondizzjonijiet dettaljati miżjuda.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli dettaljati għal kull speċi jew għal kull grupp ta’ speċijiet dwar id-densità tal-ħażna, u dwar il-karatteristiċi speċifiċi għal sistemi ta’ produzzjoni u ta’ konteniment, sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-ispeċijiet.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

4.   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu u tal-Parti III tal-Anness II, ‘densità tal-ħażna’ tfisser il-piż tal-annimali tal-akkwakultura ħajjin għal kull metru kubu ta’ ilma fi kwalunkwe ħin matul il-fażi tat-tkabbir għad-daqs tas-suq u, fil-każ tal-pixxiċatt u l-gambli, il-piż għal kull metru kwadru tal-wiċċ.

Artikolu 16

Regoli tal-produzzjoni għall-ikel ipproċessat

1.   L-operaturi li jipproduċu ikel ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

il-punt 1.4 tal-Parti IV tal-Anness II fir-rigward ta’ miżuri ta’ prekawzjoni u miżuri preventivi li għandhom jitwettqu mill-operaturi;

(b)

il-punt 2.2.2 tal-Parti IV tal-Anness II fir-rigward tat-tip u l-kompożizzjoni ta’ prodotti u sustanzi li huma permessi għall-użu fl-ikel ipproċessat kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom;

(c)

il-punt 2.2.4 tal-Parti IV tal-Anness II fir-rigward tal-kalkolu tal-perċentwal ta’ ingredjenti agrikoli msemmijin fil-punti (a)(ii) u (b)(i) tal-Artikolu 30(5), inkluż l-addittivi tal-ikel awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, li jitqiesu bħala ingredjenti agrikoli għall-finijiet ta’ tali kalkoli.

Dawk l-atti delegati m’għandhomx jinkludu l-possibbiltà li jintużaw sustanzi aromatizzanti jew preparazzjonijiet aromatizzanti li la huma naturali, fis-sens tal-Artikolu 16(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (51), u lanqas organiċi.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw it-tekniki awtorizzati fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 17

Regoli tal-produzzjoni għall-għalf ipproċessat

1.   L-operaturi li jipproduċu għalf ipproċessat għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni li jinsabu fil-Parti V tal-Anness II u fi kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-punt 1.4 tal-Parti V tal-Anness II billi jżidu aktar miżuri ta’ prekawzjoni u preventivi li għandhom jittieħdu mill-operaturi, jew billi jemendaw dawk il-miżuri miżjuda.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu t-tekniki awtorizzati għall-użu fl-ipproċessar ta’ prodotti tal-għalf.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 18

Regoli tal-produzzjoni tal-inbid

1.   L-operaturi li jipproduċu prodotti fis-settur tal-inbid għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati tal-produzzjoni stabbiliti fil-Parti VI tal-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

il-punt 3.2 tal-Parti VI tal-Anness II billi jżidu aktar prattiki, proċessi u trattamenti enoloġiċi li huma pprojbiti, jew billi jemendaw dawk l-elementi miżjuda;

(b)

il-punt 3.3 tal-Parti VI tal-Anness II.

Artikolu 19

Regoli tal-produzzjoni tal-ħmira użata bħala ikel jew għalf

1.   L-operaturi li jipproduċu l-ħmira maħsuba biex tintuża bħala ikel jew għalf għandhom jikkonformaw, b’mod partikolari, mar-regoli dettaljati tal-produzzjoni stabbiliti fil-Parti VII tal-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-punt 1.3 tal-Parti VII tal-Anness II billi jżidu aktar regoli dettaljati dwar il-produzzjoni tal-ħmira, jew billi jemendaw dawk il-miżuri miżjuda.

Artikolu 20

Nuqqas ta’ ċerti regoli tal-produzzjoni għal speċijiet ta’ bhejjem u ta’ annimali tal-akkwakultura speċifiċi

Sakemm jiġu adottati:

(a)

regoli ġenerali addizzjonali għal speċijiet oħrajn ta’ bhejjem għajr dawk regolati fil-punt 1.9 tal-Parti II tal-Anness II f’konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 14(2);

(b)

l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 14(3) għal speċijiet ta’ bhejjem; jew

(c)

l-atti ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 15(3) għal speċijiet jew gruppi ta’ speċijiet ta’ annimali tal-akkwakultura,

Stati Membru jista’ japplika regoli nazzjonali dettaljati tal-produzzjoni għal speċijiet jew gruppi ta’ speċijiet speċifiċi ta’ annimali fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu koperti mill-miżuri msemmijin fil-punti (a), (b) u (c), sakemm dawk ir-regoli nazzjonali jkunu f’konformità mar-Regolament, u sakemm ma jipprojbixxux, jirrestrinġu jew ixekklu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkunu ġew prodotti barra t-territorju tiegħu u li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Regoli tal-produzzjoni għal prodotti li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ prodotti msemmijin fl-Artikoli 12 sa 19

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw l-Anness II billi jżidu regoli dettaljati dwar il-produzzjoni, kif ukoll regoli dwar l-obbligu li ssir konverżjoni, għal prodotti li ma jaqgħux fil-kategoriji tal-prodotti msemmijin fl-Artikoli 12 sa 19, jew billi jemendaw dawk il-miżuri miżjuda.

Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq l-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika stabbiliti fil-Kapitolu II u għandhom jikkonformaw mar-regoli ġenerali dwar il-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 kif ukoll ir-regoli dettaljati eżistenti dwar il-produzzjoni stabbiliti għal prodotti simili fl-Anness II. Huma għandhom jistabbilixxu rekwiżiti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, it-trattamenti, prattiki u inputs li huma permessi jew ipprojbiti, jew perijodi ta’ konverżjoni għall-prodotti kkonċernati.

2.   Fin-nuqqas tar-regoli dettaljati dwar il-produzzjoni msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

l-operaturi għandhom, fir-rigward tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1, jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6, mutatis mutandis mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 7, u mar-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 11;

(b)

Stati Membru, fir-rigward tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1, jista’ japplika regoli nazzjonali dettaljati dwar il-produzzjoni, sakemm dawk ir-regoli jkunu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u sakemm ma jipprojbixxux, jirrestrinġu jew ixekklu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkunu ġew prodotti barra mit-territorju tiegħu u li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Adozzjoni ta’ regoli eċċezzjonali dwar il-produzzjoni

1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jissuplimentaw dan ir-Regolament billi tistipula:

(a)

il-kriterji biex jiġi determinat jekk sitwazzjoni tikkwalifikax bħala ċirkustanzi katastrofiċi li jirriżultaw minn ‘avveniment klimatiku negattiv, ‘mard tal-annimali’, ‘inċident ambjentali’, ‘diżastru naturali’ jew ‘avveniment katastrofiku’, kif definit fil-punti (h), (i), (j), (k) u (l), rispettivament, tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, rispettivament, kif ukoll kwalunkwe sitwazzjoni komparabbli;

(b)

regoli speċifiċi, inkluż il-possibbiltà ta’ derogi minn dan ir-Regolament, dwar kif l-Istati Membri għandhom jittrattaw ma’ tali ċirkustanzi katastrofiċi jekk jiddeċiedu li japplikaw dan l-Artikolu; u

(c)

regoli speċifiċi dwar il-monitoraġġ u r-rapportar f’każijiet bħal dawn.

Dawk il-kriterji u r-regoli għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji tal-produzzjoni organika stabbiliti fil-Kapitolu II.

2.   Fejn Stat Membru jkun irrikonoxxa formalment avveniment bħala diżastru naturali kif imsemmi fl-Artikolu 18(3) jew l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u minħabba dak l-avveniment ikun impossibbli li jiġu osservati r-regoli dwar il-produzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament, dak l-Istat Membru jista’ jagħti derogi għar-regoli dwar il-produzzjoni għal perijodu limitat sakemm il-produzzjoni organika tkun tista’ terġa’ tiġi stabbilita, soġġett għall-prinċipji stipulati fil-Kapitolu II u għal kwalunkwe att delegat adottat skont il-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri skont l-att delegat imsemmi fil-paragrafu 1 biex jippermetti li l-produzzjoni organika tkompli jew terġa’ tibda fil-każ ta’ ċirkostanzi katastrofiċi.

Artikolu 23

Ġbir, ippakkjar, trasportazzjoni u ħżin

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni jinġabru, jiġu ppakkjati, ittrasportati u maħżuna f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Anness III.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

it-Taqsima 2 tal-Anness III;

(b)

it-Taqsimiet 3, 4 u 6 tal-Anness III billi jżidu aktar regoli speċjali għat-trasport u r-riċeviment tal-prodotti kkonċernati, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda.

Artikolu 24

Awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika

1.   Il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati fil-listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

(a)

bħala sustanzi attivi li għandhom jintużaw fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

(b)

bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija u nutrijenti;

(c)

bħala materjal tal-għalf mhux organiku li joriġina minn pjanti, alga, annimali jew ħmira jew bħala materjal tal-għalf li joriġina mill-mikrobi jew mill-minerali;

(d)

bħala addittivi tal-għalf u għajnuna għall-ipproċessar;

(e)

bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfettar ta’ għadajjar, gaġeġ, tankijiet, trejqiet tal-ġiri, bini jew installazzjonijiet li jintużaw għall-produzzjoni tal-annimali;

(f)

bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfettar ta’ bini u installazzjonijiet użati għall-produzzjoni tal-pjanti, inkluż għall-ħżin f’azjenda agrikola;

(g)

bħala prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-faċilitajiet ta’ pproċessar u ħżin.

2.   Barra mill-prodotti u sustanzi awtorizzati skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u tal-ħmira użata bħala ikel jew għalf, u għandha tinkludi kwalunkwe prodott u sustanza hekk awtorizzati f’listi restrittivi, għall-finijiet li ġejjin:

(a)

bħala addittivi tal-ikel u għajnuna għall-ipproċessar;

(b)

bħala ingredjenti agrikoli mhux organiċi li għandhom jintużaw għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat;

(c)

bħala għajnuna għall-ipproċessar għall-produzzjoni tal-ħmira u tal-prodotti tal-ħmira.

3.   L-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-użu fil-produzzjoni organika għandha tkun soġġetta għall-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II u għall-kriterji li ġejjin, li għandhom jiġu evalwati b’mod komplessiv:

(a)

huma jkunu essenzjali għall-produzzjoni sostnuta, u għall-użu li kien maħsub għalihom;

(b)

il-prodotti u s-sustanzi kkonċernati kollha jkunu joriġinaw mill-pjanti, mill-alga, mill-annimali, ta’ oriġini mikrobika jew minerali, ħlief f’każijiet fejn prodotti jew sustanzi minn tali sorsi ma jkunux disponibbli fi kwantitajiet jew kwalitajiet suffiċjenti jew fejn alternattivi ma jkunux disponibbli;

(c)

fil-każ ta’ prodotti msemmija fil-punt (a) tal- paragrafu 1:

(i)

l-użu tagħhom ikun essenzjali għall-kontroll ta’ pest li għalih ma jkunx hemm disponibbli alternattivi bijoloġiċi, fiżiċi jew ta’ tnissil, prattiki ta’ kultivazzjoni jew prattiki effettivi oħra ta’ ġestjoni;

(ii)

jekk tali prodotti ma joriġinawx mill-pjanti, mill-annimali, mill-alga, mill-mikrobi jew mill-minerali u mhumiex identiċi għall-forma naturali tagħhom, il-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom jipprekludu kull kuntatt dirett mal-partijiet tar-għelejjel li jistgħu jittieklu;

(d)

fil-każ tal-prodotti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, l-użu tagħhom ikun essenzjali għall-tisħiħ jew iż-żamma tal-fertilità tal-ħamrija jew sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti nutrizzjonali speċifiċi tar-raba’, jew għal skopijiet speċifiċi tal-ikkundizzjonar tal-ħamrija;

(e)

fil-każ tal-prodotti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1:

(i)

l-użu tagħhom ikun meħtieġ sabiex jinżammu s-saħħa tal-annimali, it-trattament xieraq u l-vitalità tal-annimali u biex jikkontribwixxi għal dieta xierqa li tissodisfa l-bżonnijiet fiżjoloġiċi u ta’ mġiba tal-ispeċijiet ikkonċernati, jew l-użu tagħhom huwa meħtieġ għall-produzzjoni jew il-preservazzjoni tal-għalf minħabba li l-produzzjoni jew il-preservazzjoni tal-għalf mhix possibbli mingħajr l-użu ta’ dawn is-sustanzi;

(ii)

l-għalf ta’ oriġini minerali, il-mikroelementi, il-vitamini jew il-provitamini huma ta’ oriġini naturali, ħlief f’każijiet fejn ma jkunx hemm disponibbli prodotti jew sustanzi minn tali sorsi fi kwantitajiet suffiċjenti u ta’ kwalità tajba biżżejjed jew fejn alternattivi ma jkunux disponibbli;

(iii)

l-użu ta’ materjal tal-għalf mhux organiku li joriġina mill-pjanti jew mill-annimali ikun neċessarju għar-raġuni li ma jkunx hemm disponibbli fi kwantità suffiċjenti materjal tal-għalf li joriġina mill-pjanti jew mill-annimali prodott skont ir-regoli tal-produzzjoni organika;

(iv)

l-użu ta’ ħwawar, ħxejjex aromatiċi u melassa mhux organiċi ikun neċessarju għar-raġuni li tali prodotti ma jkunux disponibbli f’forma organika; ikollhom jiġu prodotti jew ippreparati mingħajr solventi kimiċi u l-użu tagħhom ikun limitat għal 1 % tal-porzjon tal-għalf għal speċi partikolari, ikkalkulat kull sena bħala perċentwal tal-materja niexfa tal-għalf mill-agrikoltura.

4.   L-awtorizzazzjoni tal-prodotti u tas-sustanzi msemmija fil-paragrafu 2 għall-użu fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat u għall-produzzjoni ta’ ħmira użata bħala ikel jew għalf għandha tkun soġġetta għall-prinċipji stabbiliti fil-Kapitolu II u għall-kriterji li ġejjin, li għandhom jiġu evalwati b’mod komplessiv:

(a)

ma jkunux disponibbli prodotti jew sustanzi alternattivi awtorizzati skont dan l-Artikolu jew tekniki konformi ma’ dan ir-Regolament;

(b)

ikun impossibbli li jsir jew jiġi ppreservat l-ikel jew li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-dieta previsti abbażi ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ dawk il-prodotti u s-sustanzi;

(c)

jistgħu jinstabu fin-natura u setgħu jkunu biss għaddew minn proċessi mekkaniċi, fiżiċi, bijoloġiċi, enzimatiċi jew mikrobiċi, ħlief f’każijiet fejn ma jkunx hemm biżżejjed kwantitajiet disponibbli ta’ prodotti jew sustanzi minn tali sorsi jew li ma jkunux ta’ kwalità tajba biżżejjed;

(d)

ma jkunx hemm biżżejjed kwantità tal-ingredjent organiku.

5.   L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ prodotti u sustanzi sintetizzati bil-kimika f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, għandha tkun limitata strettament għal każijiet fejn l-użu ta’ inputs esterni msemmija fil-punt (g) tal-Artikolu 5 jikkontribwixxi għal impatti mhux aċċettabbli fuq l-ambjent.

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu billi jżidu aktar kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti u s-sustanzi msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għall-użu fil-produzzjoni organika inġenerali, u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, kif ukoll aktar kriterji għall-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet, jew billi jemendaw dwak il-kriterji miżjuda.

7.   Meta Stat Membru jqis li prodott jew sustanza għandhom jinżiedu jew jitneħħew mil-listi ta’ prodotti u sustanzi awtorizzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2, jew li l-ispeċifikazzjonijiet tal-użu msemmija fir-regoli tal-produzzjoni għandhom jiġu emendati, hu għandu jiżgura li jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, dossier li jagħti r-raġunijiet għall-inklużjoni, l-irtirar jew l-emendi l-oħra u li dan ikun disponibbli pubblikament, soġġett għal-leġislazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika kwalunkwe talba msemmija f’dan il-paragrafu.

8.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina regolarment il-listi msemmijin f’dan l-Artikolu.

Il-lista ta’ ingredjenti mhux organiċi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 għandha tiġi rieżaminata mill-inqas darba f’sena.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ prodotti u sustanzi skont il-paragrafi 1 u 2 li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika b’mod ġenerali u fil-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat b’mod partikolari, u li jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal tali awtorizzazzjonijiet u l-listi ta’ tali prodotti u sustanzi u, fejn xieraq, id-deskrizzjoni tagħhom, ir-rekwiżiti kompożizzjonali u l-kondizzjonijiet għall-użu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 25

Awtorizzazzjoni mill-Istati Membri ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi għal ikel organiku pproċessat

1.   Fejn ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat aċċess għal ċerti ingredjenti agrikoli, u fejn ingredjenti bħal dawn ma jkunux disponibbli f’forma organika fi kwantità suffiċjenti, fuq talba ta’ operatur, Stat Membru, fuq talba minn operatur, jista’ b’mod proviżorju jawtorizza l-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat fuq it-territorju tiegħu għal perijodu massimu ta’ sitt xhur. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tapplika għall-operaturi kollha f’dak l-Istat Membru.

2.   L-Istat Membru għandu minnufih jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ sistema tal-kompjuter li tippermetti l-iskambju elettroniku ta’ dokumenti u informazzjoni li tkun saret disponibbli mill-Kummissjoni, dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija għat-territorju tiegħu skont il-paragrafu 1.

3.   L-Istat Membru jista’ jestendi l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu 1 darbtejn għal massimu ta’ xhur kull darba, sakemm ebda Stat Membru ieħor ma jkun oġġezzjona billi jindika, permezz tas-sistema msemmija fil-paragrafu 2, li tali ingredjenti huma disponibbli f’forma organika fi kwantità suffiċjenti.

4.   Awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rikonoxxut skont l-Artikolu 46(1) jista’ jagħti awtorizzazzjoni proviżorja, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għal massimu ta’ sitt xhur lil operaturi f’pajjiżi terzi li jitolbu tali awtorizzazzjoni u li jkunu soġġetti għall-kontrolli minn dik l-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll sakemm il-kondizzjonijiet ta’ dak il-paragrafu jiġu ssodisfati fil-pajjiż terz ikkonċernat. L-awtorizzazzjoni tista’ tiġi estiża darbtejn għal massimu ta’ sitt xhur kull darba.

5.   Fejn, wara żewġ estensjonijiet ta’ awtorizzazzjoni proviżorja, Stat Membru jqis, abbażi ta’ informazzjoni oġġettiva, li d-disponibbiltà ta’tali ingredjenti f’forma organika tkun għadha mhix biżżejjed biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-operaturi, huwa jista’ jagħmel talba lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 24(7).

Artikolu 26

Ġbir ta’ data dwar id-disponibbiltà fis-suq ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni, annimali organiċi u żgħar tal-akkwakultura organiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li tinħoloq bażi ta’ data regolarment aġġornata għall-elenkar ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u fil-fażi ta’ konverżjoni, minbarra nebbieta, iżda inkluż patata taż-żrigħ, li jkun disponibbli fit-territorju tiegħu.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistemi li jippermettu li operaturi li jikkummerċjalizzaw materjal riproduttiv tal-pjanti organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, annimali organiċi jew żgħar tal-akkwakultura organiċi, u li jkunu kapaċi jfornuhom f’biżżejjed kwantitajiet u f’perijodu raġonevoli jippubblikaw fuq bażi volontarja, mingħajr ħlas, flimkien mal-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom, l-informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

il-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u dak fil-fażi ta’ konverżjoni, bħal materjal riproduttiv tal-pjanti ta’ materjal eteroġenju organiku jew ta’ varjetajiet organiċi adatti għall-produzzjoni organika, minbarra n-nebbieta iżda inkluż il-patata għaż-żrigħ, li tkun disponibbli; il-kwantità f’piż ta’ dak il-materjal; u l-perijodu tas-sena li fih ikunu disponibbli; tali materjal għandu jiġi elenkat bl-użu ta’ mill-inqas l-isem xjentifiku bil-Latin;

(b)

l-annimali organiċi li għalihom tista’ tingħata deroga skont il-punt 1.3.4.4 tal-parti II tal-Anness II; in-numru ta’ annimali disponibbli kategorizzati skont is-sess; l-informazzjoni, jekk tkun rilevanti, marbuta mal-ispeċijiet differenti ta’ annimali b’rabta mar-razez u l-insla disponibbli; ir-razez tal-annimali, l-età tal-annimali; u kwalunkwe tagħrif rilevanti ieħor;

(c)

iż-żgħar tal-akkwakultura organiċi disponibbli fuq l-azjenda u l-istatus tas-saħħa tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (52) u l-kapaċità ta’ produzzjoni għal kull speċi tal-akkwakultura.

3.   L-Istati Membri jistgħu wkoll joħolqu sistemi li jippermettu lill-operaturi li jqiegħdu fis-suq razez u insla adattati għall-produzzjoni organika f’konformità mal-punt 1.3.3 tal-Parti II tal-Anness II jew għawwietaq organiċi u li jkollhom il-ħila jfornu dawk l-annimali fi kwantitajiet suffiċjenti u f’perijodu raġonevoli jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti fuq bażi volontarja, mingħajr ħlas, flimkien mal-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt.

4.   L-operaturi li jagħżlu li jinkludu informazzjoni dwar materjal riproduttiv tal-pjanti, l-annimali jew iż-żgħar tal-akkwakultura fis-sistemi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tiġi aġġornata regolarment, u għandhom jiżguraw li l-informazzjoni titneħħa mil-listi ladarba l-materjal riproduttiv tal-pjanti, l-annimali jew iż-żgħar tal-akkwakultura ma jibqgħux disponibbli.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw sistemi ta’ informazzjoni rilevanti diġà eżistenti.

6.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-ħolqa għal kull waħda mill-bażijiet ta’ data jew sistemi fuq sit web dedikat tal-Kummissjoni sabiex l-utenti jkun jista’ jkollhom aċċess għal tali bażijiet ta’ data jew sistemi fl-Unjoni kollha.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprevedu:

(a)

dettalji tekniċi għall-ħolqien u ż-żamma tal-bażijiet ta’ data msemmijin fil-paragrafu 1 u s-sistemi msemmijin fil-paragrafu 2;

(b)

speċifikazzjonijiet dwar il-ġbir tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(c)

speċifikazzjonijiet fir-rigward l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni fil-bażijiet ta’ data msemmijin fil-paragrafu 1 u fis-sistemi msemmijin fil-paragrafi 2 u 3; u

(d)

dettalji dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 53(6).

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 27

Obbligi u azzjonijiet fil-każ ta’ suspett ta’ nonkonformità

Fejn operatur jissuspetta li prodott li jkun ipproduċa, ipprepara jew importa, jew irċieva mingħand operatur ieħor ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, dak l-operatur għandu, soġġett għall-Artikolu 28(2):

(a)

jidentifika u jissepara l-prodott ikkonċernat;

(b)

jivverifika jekk is-suspett jistax jiġi ssostanzjat;

(c)

ma jqiegħedx il-prodott ikkonċernat) fis-suq bħala prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni u ma għandux jużah fil-produzzjoni organika, sakemm is-suspett ma jkunx jista’ jiġi eliminat;

(d)

fejn s-suspett jkun ġie ssostanzjat jew fejn ma jkunx jista’ jiġi eliminat, minnufih jgħarraf lill-awtorità kompetenti rilevanti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rilevanti, u jipprovdiha bl-elementi disponibbli, fejn xieraq;

(e)

għandu jikkoopera b’mod sħiħ mal-awtorità kompetenti rilevanti, jew, fejn xieraq, mal-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rilevanti, fil-verifika u l-identifikazzjoni tar-raġunijiet għan-nonkonformità suspettata.

Artikolu 28

Miżuri ta’ prekawzjoni biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati

1.   Sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika, l-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni li ġejjin fl-istadji kollha tal-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni:

(a)

idaħħlu fis-seħħ u jżommu miżuri li jkunu proporzjonati u xierqa biex jiġu identifikati r-riskji ta’ kontaminazzjoni tal-produzzjoni u l-prodotti organiċi bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati, inkluż l-identifikazzjoni sistematika tal-passi proċedurali kruċjali;

(b)

idaħħlu fis-seħħ u jżommu miżuri li jkunu proporzjonati u xierqa biex jiġu evitati r-riskji ta’ kontaminazzjoni tal-produzzjoni u l-prodotti organiċi bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati;

(c)

regolarment jeżaminaw mill-ġdid u jaġġustaw miżuri bħal dawn; u

(d)

jikkonformaw ma’ rekwiżiti rilevanti oħrajn ta’ dan ir-Regolament li jiżguraw is-separazzjoni ta’ prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi.

2.   Meta operatur jissuspetta, minħabba l-preżenza ta’ prodott jew sustanza li mhijiex awtorizzata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika fi prodott li hu maħsub biex jintuża jew jiġi kummerċjalizzat bħala prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, li dan il-prodott imsemmi l-aħħar ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament, l-operatur għandu:

(a)

jidentifika u jissepara l-prodott ikkonċernat;

(b)

jivverifika jekk is-suspett jistax jiġi ssostanzjat;

(c)

ma jqiegħedx il-prodott ikkonċernat fis-suq bħala prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni u ma għandux jużah fil-produzzjoni organika, sakemm is-suspett ma jkunx jista’ jiġi eliminat;

(d)

fejn s-suspett ikun ġie ssostanzjat jew fejn ma jkunx jista’ jiġi eliminat, minnufih jinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rilevanti, u jipprovdilha l-elementi disponibbli, fejn xieraq,;

(e)

jikkoopera b’mod sħiħ mal-awtorità kompetenti rilevanti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll rilevanti, fl-identifikazzjoni jew il-verifika tar-raġunijiet għall-preżenza ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw regoli uniformi biex tispeċifika:

(a)

il-passi proċedurali li għandhom jimxu magħhom l-operaturi skont il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 2 u d-dokumenti rilevanti li għandha tiġi pprovduta minnhom;

(b)

il-miżuri proporzjonati u xierqa li għandhom jiġu adottati u rieżaminati mill-operaturi biex jidentifikaw u jevitaw ir-riskji ta’ kontaminazzjoni skont il-punti (a) sa (c) tal-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 29

Miżuri li għandhom jittieħdu fil-każ ta’ preżenza ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati

1.   Fejn l-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll, jirċievi informazzjoni sostanzjata dwar il-preżenza ta’ prodotti jew sustanzi li mhumiex awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika, jew ikun ġie infurmat minn operatur skont il-punt (d) tal-Artikolu 28(2), jew jindividwa tali prodotti jew sustanzi fi prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni:

(a)

għandu minnufih iwettaq investigazzjoni uffiċjali skont ir-Regolament (UE) 2017/625 bl-iskop li jiddetermina s-sors u l-kawża sabiex jivverifika l-konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) u mal-Artikolu 28(1); tali investigazzjoni għandha titlesta mill-aktar fis possibbli, f’perijodu raġonevoli, filwaqt li titqies id-durabbiltà tal-prodott u l-kumplessità tal-każ;

(b)

għandu jipprojbixxi b’mod proviżorju kemm it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni kif ukoll l-użu tagħhom fil-produzzjoni organika sa meta jaslu r-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Il-prodott ikkonċernat ma għandux jiġi kummerċjalizzat bħala prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni jew jintuża fil-produzzjoni organika fejn l-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, ikun stabbilixxa li l-operatur ikkonċernat:

(a)

ikun uża prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika; jew

(b)

ma jkunx ħa l-miżuri ta’ prekawzjoni msemmijin fl-Artikolu 28(1); jew

(c)

ma jkunx ħa miżuri b’reazzjoni ta’ talbiet rilevanti li saru qabel mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll kompetenti.

3.   L-operatur ikkonċernat għandu jingħata opportunità biex jikkummenta dwar ir-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandu jżomm rekords tal-investigazzjoni li tkun saret.

Fejn ikun meħtieġ, l-operatur ikkonċernat għandu jieħu tali miżuri korrettivi kif meħtieġ biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni fil-ġejjieni.

4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, dwar il-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika u dwar il-valutazzjoni tar-regoli nazzjonali msemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva għal aktar armonizzazzjoni.

5.   L-Istati Membri li jkollhom fis-seħħ regoli li jipprevedu li prodotti li fihom ’l fuq minn ċertu livell ta’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika ma jistgħux jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti organiċi jistgħu jibqgħu japplikaw dawk ir-regoli, dment li dawk ir-regoli ma jipprojbixxux, jirrestrinġu jew jxekklu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jkunu ġew prodotti fi Stati Membri oħra bħala prodotti organiċi, fejn dawk il-prodotti kienu magħmulin f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri li jagħmlu użu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddokumentaw ir-riżultati tal-investigazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, kif ukoll kwalunkwe miżura li jkunu ħadu għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-aħjar prattiki u miżuri oħrajn biex tiġi evitata l-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu tali informazzjoni disponibbli lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni permezz ta’ sistema tal-kompjuter li ssaħħaħ l-iskambju elettroniku ta’ dokumenti u informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni.

7.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa fit-territorju tagħhom biex jevitaw il-preżenza mhux intenzjonata fil-produzzjoni organika ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika. Tali miżuri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ixekklu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti magħmulin fi Stati Membri oħrajn bħala organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, fejn dawk il-prodotti kienu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri li jagħmlu użu ta’ dan il-paragrafu għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati biex jiġu speċifikati:

(a)

il-metodoloġija li għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, għall-individwazzjoni u l-evalwazzjoni tal-preżenza ta’ prodotti u sustanzi mhux awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(3) għall-użu fil-produzzjoni organika;

(b)

id-dettalji u l-format tal-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

9.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu elettronikament lill-Kummissjoni informazzjoni rilevanti dwar każijiet li jinvolvu kontaminazzjoni ma’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati fis-sena preċedenti, inkluż informazzjoni miġbura fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, rigward in-natura tal-kontaminazzjoni individwata, u b’mod partikolari l-kawża, is-sors u l-livell ta’ kontaminazzjoni kif ukoll il-volum u n-natura tal-prodotti kontaminati. Din l-informazzjoni għandha tinġabar mill-Kummissjoni permezz tas-sistema tal-kompjuter li ssir disponibbli mill-Kummissjoni u għandha tintuża biex tiġi ffaċilitata l-formulazzjoni tal-aħjar prattiki biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni.

KAPITOLU IV

TIKKETTAR

Artikolu 30

Użu ta’ termini li jirreferu għall-produzzjoni organika

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, prodott għandu jitqies li jinkludi t-termini li jirreferu għall-produzzjoni organika fejn, fuq it-tikketta, fil-materjal tar-reklamar jew f’dokumenti kummerċjali, tali prodott, l-ingredjenti tiegħu jew il-materjali tal-għalf użati fil-produzzjoni tiegħu jiġu deskritti f’termini li jissuġġerixxu lix-xerrej li l-prodott, l-ingredjenti jew il-materjali tal-għalf ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, it-termini elenkati fl-Anness IV u d-derivattivi u d-diminuttivi tagħhom, bħal ‘bio’, u ‘eko’, kemm jekk waħidhom kif ukoll jekk ikkombinati, jistgħu jintużaw fl-Unjoni kollha u bi kwalunkwe lingwa elenkata f’dak l-Anness għat-tikkettar u r-reklamar ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-prodotti msemmijin fl-Artikolu 2(1), it-termini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jintużaw imkien fl-Unjoni, fl-ebda lingwa elenkata fl-Anness IV għat-tikkettar, il-materjal tar-reklamar jew id-dokumenti kummerċjali ta’ prodott li ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, l-ebda terminu, inklużi termini użati f’marki kummerċjali jew ismijiet ta’ kumpanniji, jew prattiki ma għandu jintuża fit-tikkettar jew fir-reklamar jekk dawn jistgħu jfixklu lill-konsumatur jew lill-utent billi jissuġġerixxi li prodott jew l-ingredjenti tiegħu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-prodotti li jkunu ġew prodotti matul il-perijodu ta’ konverżjoni ma għandhomx jiġu ttikkettati jew reklamati bħala prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni.

Madankollu, materjal riproduttiv tal-pjanti, prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti u prodotti tal-għalf, li jkunu ġew prodotti matul il-perijodu ta’ konverżjoni, li jkunu f’konformità mal-Artikolu 10(4), jistgħu jiġu ttikkettati u reklamati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni bl-użu tat-terminu ‘fil-fażi ta’ konverżjoni’, jew b’terminu korrispondenti, flimkien mat-termini msemmija fil-paragrafu 1.

4.   It-termini msemmija fil-paragrafu 1 u 3 m’għandhomx jintużaw għal prodott li għalih il-liġi tal-Unjoni tirrikjedi t-tikkettar jew ir-reklamar li jindika li fih OĠM, jikkonsisti minn OĠM jew huwa prodott minn OĠM.

5.   Għal ikel ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw:

(a)

fid-deskrizzjoni tal-bejgħ, u fil-lista ta’ ingredjenti fejn tali lista tkun obbligatorja skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni, dment li:

(i)

l-ikel ipproċessat ikun konformi mar-regoli ta’ produzzjoni li jinsabu fil-Parti IV tal-Anness II u mar-regoli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(3);

(ii)

tal-anqas 95 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott skont il-piż jkunu organiċi; u

(iii)

fil-każ ta’ aromatizzanti, jintużaw biss għal sustanzi ta’ aromatizzanti naturali u preparazzjonijiet ta’ aromatizzanti naturali b’tikketta f’konformità mal-Artikolu 16(2), (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 u meta l-komponenti aromatizzanti kollha u t-trasportaturi ta’ komponenti aromatizzanti fl-aromatizzant ikkonċernat ikunu organiċi;

(b)

biss fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:

(i)

anqas minn 95 % tal-ingredjenti agrikoli tal-prodott skont il-piż ikunu organiċi, u dment li dawk l-ingredjenti jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni li jinsabu f’dan ir-Regolament; u

(ii)

l-ikel ipproċessat ikun konformi mar-regoli ta’ produzzjoni li jinsabu fil-punti 1.5, 2.1(a), 2.1(b) u 2.2.1 tal-Parti IV tal-Anness II u mar-regoli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(3);

(c)

fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:

(i)

l-ingredjent prinċipali jkun prodott mill-kaċċa jew mis-sajd;

(ii)

it-terminu msemmi fil-paragrafu 1 hu relatat b’mod ċar mad-deskrizzjoni ta’ bejgħ għal ingredjent ieħor li jkun organiku u differenti mill-ingredjent prinċipali;

(iii)

l-ingredjenti agrikoli kollha l-oħra jkunu organiċi; u

(iv)

l-ikel ikun konformi mal-punti 1.5, 2.1(a), 2.1(b), u 2.2.1 tal-Parti IV tal-Anness II u mar-regoli stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(3).

Il-lista tal-ingredjenti msemmija fil-punti (a),(b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tindika liema ingredjenti huma organiċi. Ir-referenzi għall-produzzjoni organika jistgħu jidhru biss b’rabta mal-ingredjenti organiċi.

Il-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandha tinkludi indikazzjoni tal-perċentwal totali ta’ ingredjenti organiċi bħala proporzjon tal-kwantità totali ta’ ingredjenti agrikoli.

It-termini msemmija fil-paragrafu 1, meta użati fil-lista ta’ ingredjenti msemmija fil-punti (a), (b), u (c) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, u l-indikazzjoni tal-perċentwali msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jidhru bl-istess kulur, daqs u stil ta’ kitba identiċi bħall-indikazzjonijiet l-oħra fil-lista ta’ ingredjenti.

6.   Għal għalf ipproċessat, it-termini msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jintużaw fid-deskrizzjoni ta’ bejgħ u fil-lista ta’ ingredjenti, dment li:

(a)

l-għalf ipproċessat ikun konformi mar-regoli ta’ produzzjoni li jinsabu fil-Partijiet II, III u V tal-Anness II u mar-regoli speċifiċi stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 16(3);

(b)

l-ingredjenti kollha ta’ oriġini agrikola li jinsabu fl-għalf ipproċessat ikunu organiċi; u

(c)

tal-anqas 95 % tal-materjal niexef tal-prodott ikun organiku.

7.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw:

(a)

dan l-Artikolu billi jżidu regoli ulterjuri dwar it-tikkettar tal-prodotti elenkati fl-Anness I, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda; u

(b)

il-lista tat-termini stabbiliti fl-Anness IV, b’kunsiderazzjoni l-iżviluppi lingwistiċi fl-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti rekwiżiti dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 31

Tikkettar ta’ prodotti u sustanzi użati fil-produzzjoni ta’ għelejjel

Minkejja l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif stipulat fl-Artikolu 2(1), prodotti u sustanzi użati fi prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti jew bħala fertilizzanti, kondizzjonaturi tal-ħamrija jew nutrijenti li ġew awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 jista’ jkollhom referenza li tindika li dawk il-prodott jew sustanzi huma awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika skont dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Indikazzjonijiet obbligatorji

1.   Fejn prodotti jkollhom termini kif imsemmija fl-Artikolu 30(1), inkluż prodotti ttikkettati bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni f’konformità mal-Artikolu 30(3):

(a)

in-numru tal-kodiċi tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll li għalihom hu soġġett l-operatur li wettaq l-aħħar produzzjoni jew preparazzjoni, għandu jidher ukoll fuq it-tikketta; u

(b)

fil-każ ta’ ikel ippakkjat bil-lest, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea msemmi fl-Artikolu 33 għandu jidher ukoll fuq l-imballaġġ, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 30(3) u l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 30(5).

2.   Fejn jintuża l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, fl-istess qasam viżwali tiegħu għandha tidher indikazzjoni tal-post fejn tkabbret il-materja prima agrikola li minnha huwa kompost il-prodott u għandu jkollha waħda mill-forom li ġejjin, kif adatt:

(a)

‘Agrikoltura tal-UE’, meta l-materja prima agrikola tkun tkabbret fl-Unjoni;

(b)

‘Agrikoltura mhux tal-UE’, meta l-materja prima agrikola tkun tkabbret f’pajjiżi terzi;

(c)

‘Agrikoltura tal-UE/mhux tal-UE’, meta parti mill-materja prima agrikola tkun ġiet imkabbra fl-Unjoni u parti oħra tkun tkabbret f’pajjiż terz.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kelma ‘Agrikoltura’ tista’ tiġi sostitwita bil-kelma ‘Akkwakultura’ fejn adatt u il-kliem ‘UE’ u ‘mhux tal-UE’ jistgħu jiġu sostitwiti jew issupplimentati bl-isem ta’ pajjiż, jew bl-isem ta’ pajjiż u reġjun, jekk il-materja prima agrikola kollha li minnha huwa kompost il-prodott tkun tkabbret f’dak il-pajjiż u, jekk applikabbli, f’dak ir-reġjun.

Għall-indikazzjoni tal-post fejn il-materja prima agrikola kollha li minnha huwa kompost il-prodott tkun tkabbret, kif imsemmi fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi, kwantitajiet żgħar ta’ ingredjenti skont il-piż jistgħu ma jiġux ikkunsidrati, sakemm il-kwantità totali tal-ingredjenti mhux ikkunsidrati ma taqbiżx il-5 % tal-kwantità totali skont il-piż tal-materja prima agrikola.

Il-kliem ‘UE’ u mhux tal-UE ma għandhomx jidhru b’kulur, daqs u stil ta’ kitba li jkun aktar prominenti mill-isem tal-prodott.

3.   L-indikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 33(3) għandhom ikunu mmarkati f’post kospikwu b’tali mod li jkunu faċilment viżibbli, u għandhom ikunu ċari, leġġibbli u indelibbli.

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 33(3) billi jżidu regoli ulterjuri dwar it-tikkettar, jew billi jemendaw dawk ir-regoli miżjuda.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jirrigwardaw:

(a)

arranġamenti prattiċi għall-użu, il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni u d-daqs tal-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 33(3);

(b)

l-assenjar tan-numri tal-kodiċi għall-awtoritajiet ta’ kontroll u għall-korpi ta’ kontroll;

(c)

l-indikazzjoni tal-post fejn tkabbret il-materja prima agrikola, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikolu 33(3).

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 33

Logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea

1.   Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża wkoll għal skopijiet ta’ informazzjoni u edukattivi marbutin mal-eżistenza u r-reklamar tal-logo nnifsu, dment li tali użu ma jkunx jista’ jwassal biex iqarraq bil-konsumatur b’rabta mal-produzzjoni organika ta’ prodotti speċifiċi, u dment li l-logo jiġi riprodott skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness V. F’tali każ, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 32(2) u l-punt 1.7 tal-Anness V ma għandhomx japplikaw.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea m’għandux jintuża għal ikel ipproċessat kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 30(5) u għal prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 30(3).

2.   Minbarra fejn jiġi użat f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea huwa attestazzjoni uffiċjali f’konformità mal-Artikoli 86 u 91 tar-Regolament (UE) 2017/625.

3.   L-użu tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jkun fakultattiv għall-prodotti importati minn pajjiżi terzi. Fejn dak il-logo jidher fuq it-tikketta ta’ tali prodotti, l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 32(2) għandha tidher ukoll fuq it-tikketta.

4.   Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jsegwi l-mudell stabbilit fl-Anness V, u għandu jikkonforma mar-regoli li jinsabu f’dak l-Anness.

5.   Jistgħu jintużaw logos nazzjonali u logos privati fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw l-Anness V f’dak li għandu x’jaqsam mal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea u r-regoli relatati miegħu.

KAPITOLU V

ĊERTIFIKAZZJONI

Artikolu 34

Sistema ta’ ċertifikazzjoni

1.   Qabel ma jqiegħdu fis-suq kwalunkwe prodott bħala ‘organiku’ jew bħala ‘fil-fażi ta’ konverżjoni’ jew qabel il-perijodu ta’ konverżjoni, l-operaturi jew gruppi ta’ operaturi imsemmija fl-Artikolu 36 li jipproduċu, jiddistribwixxu jew jaħżnu prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, li jimportaw tali prodotti minn pajjiż terz jew jesportaw tali prodotti lejn pajjiż terz, jew li jqiegħdu tali prodotti fis-suq, għandhom jinnotifikaw l-attività tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih titwettaq l-attività u li fih l-intrapriża tagħhom hija soġġetta għas-sistema ta’ kontroll.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu kkonferixxu r-responsabbiltajiet tagħhom jew iddelegaw ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra lil aktar minn awtorità ta’ kontroll waħda jew korp ta’ kontroll wieħed, l-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi għandhom jindikaw fin-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu liema awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll jivverifika jekk l-attività tagħhom tikkonformax ma’ dan ir-Regolament u jipprovdi ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1).

2.   Operaturi li jbigħu prodotti organiċi ppakkjati minn qabel direttament lill-konsumatur jew lill-utent finali għandhom ikunu eżentati mill-obbligu ta’ notifika msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u mill-obbligu li jkunu fil-pussess taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(2) dment li ma jipproduċux, ma jħejjux, ma jaħżnux ħlief b’rabta mal-punt ta’ bejgħ, jew ma jimportawx tali prodotti minn pajjiż terz, jew ma jissottokuntrattawx tali attivitajiet lil operatur ieħor.

3.   Fejn operaturi jew gruppi ta’ operaturi jissottokuntrattaw kwalunkwe attività tagħhom lil partijiet terzi, kemm l-operaturi kif ukoll il-gruppi ta’ operaturi u l-partijiet terzi li lilhom ikunu ġew issottokuntrattati dawk l-attivitajiet għandhom jikkonformaw mal-paragrafu 1, ħlief fejn l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi jiddikjara fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1 li hu jibqa’ responsabbli rigward il-produzzjoni organika u li ma ttrasferixxiex dik ir-responsabbiltà lis-sottokuntrattur. F’tali każijiet, l-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandu jivverifika li l-attivitajiet issottokuntrattati jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, fil-kuntest tal-kontroll li jwettaq fuq l-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi li jkunu ssottokuntrattaw l-attivitajiet tagħhom.

4.   L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità jew japprovaw korp li għandu jirċievi n-notifiki msemmija fil-paragrafu 1.

5.   L-operaturi, il-gruppi ta’ operaturi u s-sottokuntratturi għandhom iżommu rekords f’konformità ma’ dan ir-Regolament dwar attivitajiet differenti tagħhom.

6.   L-Istati Membri għandhom iżommu aġġornati l-listi li fihom l-ismijiet u l-indirizzi ta’ operaturi jew gruppi ta’ operaturi li jkunu nnotifikaw l-attivitajiet tagħhom f’konformità mal-paragrafu 1 u għandhom jagħmlu pubbliku b’mod adatt, inkluż permezz ta’ ħolqiet għal sit web uniku tal-Internet, lista komprensiva ta’ din id-data, flimkien mal-informazzjoni relatata maċ-ċertifikati pprovduti lil dawk l-operaturi u gruppi ta’ operaturi skont fl-Artikolu 35(1). Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (53).

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe operatur jew grupp ta’ operaturi li jkun konformi ma’ dan ir-Regolament u, f’każijiet tinġabar tariffa f’konformità mal-Artikoli 78 u 80 tar-Regolament (UE) 2017/625, li jħallas tariffa raġonevoli li tkopri l-ispejjeż tal-kontrolli ikun intitolat li jkun kopert mis-sistema ta’ kontroll. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tariffi li jistgħu jinġabru jsiru pubbliċi.

8.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 54 li jemendaw l-Anness II fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords.

9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu dettalji u speċifikazzjonijiet rigward:

(a)

il-format u l-mezzi tekniċi tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafu 6; u

(c)

il-proċeduri u l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tat-tariffi msemmija fil-paragrafu 7.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 35

Ċertifikat

1.   L-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, għandhom jipprovdu ċertifikat lil kwalunkwe operatur jew grupp ta’ operaturi li jkun innotifika l-attività tiegħu f’konformità mal-Artikolu 34(1) u jikkonforma ma’ dan ir-Regolament. Iċ-ċertifikat għandu:

(a)

jinħareġ f’forma elettronika kull fejn possibbli;

(b)

jippermetti mill-inqas l-identifikazzjoni tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi inkluż il-lista tal-membri, il-kategorija ta’ prodotti koperti miċ-ċertifikat u l-perijodu ta’ validità tiegħu;;

(c)

jiċċertifika li l-attività notifikata tikkonforma ma’ dan ir-Regolament; u

(d)

jinħareġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness VI.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 34(2), l-operaturi u l-grupp ta’ operaturi ma għandhomx iqiegħdu fis-suq prodotti msemmija fl-Artikolu 2(1) bħala prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni sakemm ma jkunux diġà fil-pussess ta’ ċertifikat kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Iċ-ċertifikat imsemmi f’dan l-Artikolu għandu jkun ċertifikat uffiċjali fis-sens tal-punt (a) tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament (UE) 2017/625.

4.   Operatur jew grupp ta’ operaturi ma għandux ikun intitolat li jingħata ċertifikat minn aktar minn korp ta’ kontroll wieħed rigward attivitajiet imwettqa fl-istess Stat Membru, fir-rigward tal-istess kategorija ta’ prodotti, inkluż każijiet fejn dak l-operatur jew grupp ta’ operaturi jopera fi stadji differenti ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni.

5.   Il-membri ta’ grupp ta’ operaturi ma għandhomx ikunu intitolati li jiksbu ċertifikat individwali għal xi waħda mill-attivitajiet koperti miċ-ċertifikazzjoni tal-grupp ta’ operaturi li jagħmlu parti minnu.

6.   L-operaturi għandhom jivverifikaw iċ-ċertifikati ta’ dawk l-operaturi li huma l-fornituri tagħhom.

7.   Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu, prodotti għandhom jiġu kklassifikati bil-kategoriji li ġejjin:

(a)

pjanti mhux proċessati u prodotti mill-pjanti, inkluż żrieragħ u materjal riproduttiv tal-pjanti ieħor;

(b)

bhejjem u prodotti mhux proċessati mill-bhejjem;

(c)

alka u prodotti mhux proċessati tal-akkwakultura;

(d)

prodotti agrikoli proċessati, inkluż prodotti tal-akkwakultura, għall-użu bħala ikel;

(e)

għalf;

(f)

inbid;

(g)

prodotti oħra elenkati fl-Anness I għal dan ir-Regolament jew mhux koperti mill-kategoriji preċedenti.

8.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat, previst fil-paragrafu 2, lill-operaturi li jbigħu prodotti organiċi mhux ippakkjati ħlief għalf direttament lill-konsumatur finali dment li dawk l-operaturi ma jipproduċux, ma jħejjux, ma jaħżnux ħlief b’rabta mal-punt ta’ bejgħ, jew ma jimportawx tali prodotti minn pajjiż terz, jew ma jissottokuntrattawx tali attivitajiet lil parti terza, u dment li:

(a)

tali bejgħ ma jaqbiżx 5 000 kilogramma kull sena:

(b)

tali bejgħ ma jirrappreżentax fatturat annwali għall-prodotti organiċi mhux ippakkjati li jaqbeż EUR 20 000; jew

(c)

l-ispiża potenzjali taċ-ċertifikazzjoni tal-operatur taqbeż it-2 % tal-fatturat totali ta’ prodotti organiċi mhux ippakkjati mibjugħa minn dak l-operatur.

Jekk Stat Membru jiddeċiedi li jeżenta lill-operaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu, jista’ jiffissa limiti aktar stretti minn dawk stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe deċiżjoni li jeżentaw lill-operaturi skont l-ewwel subparagrafu u dwar il-limiti sa fejn tali operaturi huma eżentati.

9.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 54 li jemendaw il-mudell taċ-ċertifikat stabbilit fl-Anness VI.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdu dettalji u speċifikazzjonijiet rigward il-forma taċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 u l-mezzi tekniċi li bihom ikun inħareġ.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 36

Grupp ta’ operaturi

1.   Kull grupp ta’ operaturi għandu:

(a)

ikun magħmul biss minn membri li huma bdiewa jew operaturi li jipproduċu alka jew annimali tal-akkwakultura u li barra minn hekk jistgħu jkunu involut fl-ipproċessar, il-preparazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ ikel jew għalf;

(b)

ikun magħmul biss minn membri:

(i)

li l-ispiża individwali tagħhom għaċ-ċertifikazzjoni tirrappreżenta aktar minn 2 % tal-fatturat jew tal-produzzjoni standard tal-produzzjoni organika ta’ kull membru u li l-fatturat annwali tiegħu ta’ produzzjoni organika ma jkunx aktar minn EUR 25 000 jew li l-produzzjoni standard tagħhom tal-produzzjoni organika ma tkunx aktar minn EUR 15 000 kull sena; jew

(ii)

li kull wieħed minnhom ikollu azjendi agrikoli ta’ massimu ta’:

ħames ettari,

0,5 ettari, fil-każ ta’ serer, jew

15-il ettaru, esklużivament fil-każ ta’ bur permanenti;

(c)

li jkunu stabbiliti fi Stat Membru jew pajjiż terz;

(d)

li jkollhom personalità legali;

(e)

ikun magħmul biss minn membri li l-attivitajiet ta’ produzzjoni tagħhom isiru fi prossimità ġeografika ma’ xulxin;

(f)

jistabbilixxu sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni konġunta għall-prodotti li jiġu prodotti mill-grupp; u

(g)

jistabbilixxu sistema għall-kontrolli interni li tinkludi sett dokumentat ta’ attivitajiet u proċeduri tal-kontroll li skontu persuna jew korp identifikat huwa responsabbli għall-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament ta’ kull membru tal-grupp.

2.   L-awtoritajiet kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll, għandhom jirtiraw iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35 għall-grupp kollu fejn in-nuqqasijiet fl-organizzazzjoni jew fil-funzjonament tas-sistema ta’ kontrolli interni msemmija fil-paragrafu 1, b’mod partikolari rigward nuqqasijiet fl-individwazzjoni jew fl-indirizzar tan-nonkonformità minn membri individwali tal-grupp ta’ operaturi, jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni.

3.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu billi jżidu dispożizzjonijiet, jew billi jemendaw dawk id-dispożizzjonijiet miżjuda, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

ir-responsabbiltajiet tal-membri individwali ta’ grupp ta’ operaturi;

(b)

il-kriterji biex jiddeterminaw il-prossimità ġeografika tal-membri tal-grupp bħall-kondiviżjoni ta’ faċilitajiet jew siti;

(c)

l-istabbiliment u l-funzjonament tas-sistema għall-kontrolli interni, inkluż l-ambitu, il-kontenut u l-frekwenza tal-kontrolli li għandhom jitwettqu u l-kriterji biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet fl-istabbiliment jew il-funzjonament tas-sistema għal kontrolli interni.

4.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli speċifiċi rigward:

(a)

il-kompożizzjoni u d-dimensjoni ta’ grupp ta’ operaturi;

(b)

id-dokumenti u s-sistemi taż-żamma ta’ rekords, is-sistema għat-traċċabbiltà interna u l-lista ta’ operaturi;

(c)

l-iskambju ta’ informazzjoni bejn grupp ta’ operaturi u l-awtorità jew l-awtoritajiet, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll kompetenti u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

KAPITOLU VI

KONTROLLI UFFIĊJALI U ATTIVITAJIET UFFIĊJALI OĦRA

Artikolu 37

Relazzjoni mar-Regolament (UE) 2017/625 u regoli addizzjonali għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra b’rabta mal-produzzjoni organika u t-tikkettar tal-prodotti organiċi

Ir-regoli speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw, flimkien mar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) 2017/625, ħlief kif previst mod ieħor fl-Artikolu 40(2) ta’ dan ir-Regolament, u flimkien mal-Artikolu 29 ta’ dan ir-Regolament, ħlief kif previst mod ieħor fl-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-Regolament, għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiġu vverifikati matul il-proċess kollu fl-istadji kollha tal-produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, li l-prodotti imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Regoli addizzjonali dwar il-kontrolli uffiċjali u dwar l-azzjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti

1.   Il-kontrolli uffiċjali mwettqa f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-verifika ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom jinkludu, b’mod partikolari:

(a)

il-verifika tal-applikazzjoni mill-operaturi ta’ miżuri preventivi u ta’ prekawzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 9(6) u fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament, f’kull stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

(b)

fejn l-azjenda agrikola tinkludi unitajiet tal-produzzjoni mhux organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, il-verifika tar-rekords u tal-miżuri jew il-proċeduri jew l-arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw is-separazzjoni ċara u effikaċi bejn unitajiet tal-produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni u dik mhux organika kif ukoll bejn prodotti rispettivi li jiġu prodotti minn dawk l-unitajiet, u tas-sustanzi u l-prodotti użati għal unitajiet tal-produzzjoni organika, dik fil-fażi ta’ konverżjoni u dik mhux organika; tali verifika għandha tinkludi kontrolli fuq pakketti li għalihom ġie rikonoxxut b’mod retroattiv perijodu preċedenti bħala parti mill-perijodu ta’ konverżjoni, u kontrolli fuq l-unitajiet tal-produzzjoni mhux organika;

(c)

fejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi jinġabru fl-istess ħin mill-operaturi, jiġu ppreparati jew jinħażnu fl-istess unità, żona jew postijiet ta’ preparazzjoni, jew jiġu trasportati lejn operaturi jew unitajiet oħra, il-verifika tar-rekords u tal-miżuri, il-proċeduri jew l-arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw li l-operazzjonijiet jitwettqu f’post jew żmien separat, li jiġu implimentati miżuri addattati ta’ tindif u, fejn xieraq, miżuri li jevitaw is-sostituzzjoni ta’ prodotti, li prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni jkunu identifikati f’kull ħin u li l-prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi jinħażnu, qabel u wara l-operazzjonijiet ta’ preparazzjoni, separatament minn xulxin fil-post jew fiż-żmien;

(d)

il-verifika tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-sistema tal-kontroll intern ta’ gruppi ta’ operaturi;

(e)

fejn operaturi jkunu eżentati mill-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-Regolament, jew mill- obbligu li jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat skont l-Artikolu 35(8) ta’ dan ir-Regolament, il-verifika li jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti għal dik l-eżenzjoni u l-verifika tal-prodotti mibjugħa minn dawk l-operaturi.

2.   Il-kontrolli uffiċjali mwettqa f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-verifika ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom isiru matul il-proċess sħiħ fl-istadji kollha tal-produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni abbażi tal-probabbiltà ta’ nonkonformità kif definita fil-punt (57) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, li għandha tiġi determinata billi jitqiesu, minbarra l-elementi msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625, b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:

(a)

it-tip, id-daqs u l-istruttura tal-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi;

(b)

it-tul ta’ żmien li matulu l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi kienu involuti fil-produzzjoni, il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti organiċi;

(c)

ir-riżultati tal-kontrolli mwettqa f’konformità ma’ dan l-Artikolu;

(d)

iż-żmien rilevanti għall-attivitajiet imwettqa;

(e)

il-kategoriji tal-prodotti;

(f)

it-tip, il-kwantità u l-valur tal-prodotti u l-iżvilupp tagħhom matul iż-żmien;

(g)

il-possibbiltà ta’ taħlit bejn il-prodotti jew kontaminazzjoni ma’ prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati;

(h)

l-applikazzjoni ta’ derogi jew eċċezzjonijiet għar-regoli mill-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi;

(i)

il-punti kritiċi għan-nonkonformità u l-probabbiltà tan-nonkonformità f’kull stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni;

(j)

l-attivitajiet ta’ sottokuntrattar.

3.   Fi kwalunkwe każ, l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi kollha, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikoli 34(2) u 35(8), għandhom ikunu soġġetti għal verifika tal-konformità tal-inqas darba fis-sena.

Il-verifika ta’ konformità għandha tinkludi spezzjoni fiżika fuq il-post, ħlief meta l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-kontrolli preċedenti tal-operatur jew il-grupp ta’ operaturi kkonċernat ma jkunu żvelaw ebda nonkonformità li taffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni matul tal-inqas l-aħħar tliet snin konsekuttivi; u

(b)

l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi kkonċernati jkun ġie vvalutat abbażi tal-elementi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625 bħala li jippreżentaw probabbiltà baxxa ta’ nonkonformità.

F’dan il-każ, il-perijodu bejn żewġ spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post ma għandux jaqbeż l-24 xahar.

4.   Il-kontrolli uffiċjali mwettqa f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625 għall-verifika ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom:

(a)

jitwettqu f’konformità mal-artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) 2017/625 filwaqt li jiġi żgurat li perċentwal minimu tal-kontrolli uffiċjali kollha tal-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi jitwettaq mingħajr avviż minn qabel;

(b)

jiżguraw li jitwettaq perċentwal minimu ta’ kontrolli addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(c)

jitwettqu billi jittieħed numru minimu tal-kampjuni li jkunu ttieħdu f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(d)

jiżguraw li għadd minimu ta’ operaturi li jkunu membri ta’ grupp ta’ operaturi jkunu kontrollati b’konnessjoni mal-verifika ta’ konformità msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-għoti jew it-tiġdid taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 35(1) għandu jkun ibbażat fuq ir-riżultati tal-verifiki ta’ konformità msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.

6.   Ir-rekord miktub li għandu jitfassal rigward kull kontroll uffiċjali li jkun twettaq għall-verifika tal-konformità mar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 għandu jiġi ffirmat ukoll mill-operatur jew il-gruppi ta’ operaturi bħala konferma li rċevew dak ir-rekord bil-miktub.

7.   L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) 2017/625 ma għandux japplika għall-awditi u l-ispezzjonijiet imwettqa minn awtoritajiet kompetenti fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tagħhom fuq korpi ta’ kontroll li għalihom ikunu ġew delegati ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra.

8.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54:

(a)

li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistipula kriterji u kondizzjonijiet speċifiċi għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali li jkunu saru biex jiżguraw it-traċċabbiltà fl-istadji kollha ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, u l-konformità ma’ dan ir-Regolament, rigward:

(i)

il-verifiki ta’ kontijiet dokumentarji;

(ii)

il-kontrolli mwettqa fuq kategoriji speċifiċi ta’ operaturi;

(iii)

fejn adatt, il-perijodu li fih il-kontrolli previsti f’dan ir-Regolament, inkluż l-ispezzjonijiet fiżiċi fuq il-post imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitwettqu u l-post jew żona partikolari fejn għandhom jitwettqu;

(b)

l-emenda tal-paragrafu 2 bl-inklużjoni ta’ aktar elementi bbażati fuq l-esperjenza prattika, jew bl-emenda ta’ dawk l-elementi miżjuda.

9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jispeċifikaw:

(a)

il-perċentwal minimu tal-kontrolli uffiċjali kollha ta’ operaturi jew gruppi ta’ operaturi li għandu jitwettaq mingħajr avviż minn qabel kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 4;

(b)

il-perċentwal minimu tal-kontrolli addizzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4;

(c)

l-għadd minimu tal-kampjuni msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 4;

(d)

l-għadd minimu ta’ operaturi li huma membri ta’ grupp ta’ operaturi msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 4.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 39

Regoli addizzjonali dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi

1.   Minbarra l-obbligi stipulati fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/625, l-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi għandhom:

(a)

iżommu rekords biex juru konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament;

(b)

jagħmlu d-dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra li jkunu neċessarji kollha għall-kontrolli uffiċjali;

(c)

jieħdu l-miżuri prattiċi rilevanti biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament;

(d)

jipprovdu, fil-forma ta’ dikjarazzjoni li għandha tiġi ffirmata u aġġornata kif meħtieġ:

(i)

id-deskrizzjoni sħiħa tal-unità ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni u tal-attivitajiet li għandhom jitwettqu f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(ii)

il-miżuri prattiċi rilevanti li għandhom jittieħdu biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament;

(iii)

impenn:

li jinformaw bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed lix-xerrejja tal-prodotti u li jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti mal-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, mal-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, fil-każ li suspett sostanzjat ta’ nonkonformità jkun ġie ssostanzjat, li suspett ta’ nonkonformità ma jistax jiġi eliminat, jew li nonkonformità li taffettwa l-integrità tal-prodotti inkwistjoni tkun ġiet stabbilita,

li jaċċettaw it-trasferiment tal-fajl ta’ kontroll fil-każ ta’ bidla tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll jew, fil-każ ta’ rtirar mill-produzzjoni organika, iż-żamma tal-fajl ta’ kontroll għal tal-inqas ħames snin mill-aħħar awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll,

li jinformaw immedjatament lill-awtorità kompetenti jew lill-awtorità jew il-korp iddeżinjat skont l-Artikolu 34(4) fil-każ ta’ rtirar mill-produzzjoni organika, u

li jaċċettaw l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet jew il-korpi fil-każ li sottokuntratturi jkunu kontrollati minn awtoritajiet ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll differenti.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jipprovdu dettalji u speċifikazzjonijiet rigward:

(a)

ir-rekords biex tintwera konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

id-dikjarazzjonijiet u komunikazzjonijiet oħra li jkunu neċessarji għall-kontrolli uffiċjali;

(c)

il-miżuri prattiċi rilevanti biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 40

Regoli addizzjonali dwar id-delega ta’ kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra

1.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw lill-korpi ta’ kontroll ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin, flimkien ma’ dawk stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2017/625:

(a)

id-delega jkun fiha deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti ta’ kontrolli uffiċjali delegati u kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra, inkluż obbligi ta’ rappurtar u obbligi speċifiċi oħra, u tal-kondizzjonijiet li skonthom il-korp ta’ kontroll jista’ jwettaqhom. B’mod partikolari, il-korp ta’ kontroll għandu jkun ippreżenta dan li ġej lill-awtoritajiet kompetenti għal approvazzjoni minn qabel:

(i)

il-proċedura tiegħu tal-valutazzjoni tar-riskju, li għandha tiddetermina, b’mod partikolari, il-bażi għall-intensità u l-frekwenza tal-verifika ta’ konformità tal-operaturi u l-gruppi ta’ operaturi, u li għandha tiġi stabbilita abbażi tal-elementi msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2017/625 u tal-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament, u li għandha tiġi segwita għall-kontrolli uffiċjali fuq operaturi u gruppi ta’ operaturi;

(ii)

il-proċedura standard ta’ kontroll, li għandha tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ta’ kontroll li l-korp ta’ kontroll jimpenja ruħu li japplika fuq l-operaturi u gruppi ta’ operaturi li huma soġġetti għall-kontrolli tiegħu;

(iii)

lista ta’ miżuri, li huma f’konformità mal-katalgu komuni imsemmi fl-Artikolu 41(4), u li għandhom jiġu applikati għal operaturi u gruppi ta’ operaturi f’każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita;

(iv)

l-arranġamenti għall-monitoraġġ effikaċi tal-kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra li jsiru fir-rigward ta’ operaturi u gruppi ta’ operaturi u l-arranġamenti għar-rappurtar dwar dawk il-kompiti.

Il-korp ta’ kontroll għandu jinnotifika emendi sussegwenti tal-elementi msemmija fil-punti (i) sa (iv) lill-awtorità kompetenti;

(b)

dawk l-awtoritajiet kompetenti jkollhom proċeduri u arranġamenti fis-seħħ biex tiġi żgurata s-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll, inkluża li jivverifikaw li l-kompiti delegati jitwettqu b’mod effikaċi, indipendenti u oġġettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità u l-frekwenza tal-verifika tal-konformità.

Mill-anqas darba fis-sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont il-punt (a) tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/625, jorganizzaw awditi tal-korpi ta’ kontroll li lilhom ikunu ddelegaw kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra.

2.   B’deroga mill-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddelegaw lil korp ta’ kontroll id-deċiżjoni li tikkonċerna l-kompiti previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 138(1) u fl-Artikolu 138(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet tal-punt (b)(iv) tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2017/625, l-istandard għad-delega ta’ ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dan ir-Regolament li huwa rilevanti fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huwa l-verżjoni notifikata l-aktar reċentement tal-istandard armonizzat internazzjonali bit-titolu “Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiddelegaw il-kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u l-kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra li ġejjin lill-korpi ta’ kontroll:

(a)

is-superviżjoni u l-awditu ta’ awtoritajiet ta’ kontroll oħra jew korpi ta’ kontroll;

(b)

is-setgħa li jagħtu derogi ħlief derogi għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti mhux miksub minn produzzjoni organika;

(c)

l-awtorità li jirċievu notifiki tal-attivitajiet minn operaturi jew gruppi ta’ operaturi skont l-Artikolu 34(1) ta’ dan ir-Regolament;

(d)

il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ nonkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jiddeterminaw ir-rata ta’ frekwenza tal-kontrolli fiżiċi li għandhom jitwettqu fuq kunsinni organiċi qabel ir-rilaxx tagħhom għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni skont l-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2017/625;

(e)

l-istabbiliment tal-katalgu komuni ta’ miżuri imsemmi fl-Artikolu 41(4) ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jiddelegaw kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra lil persuni fiżiċi.

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li informazzjoni rċevuta minn korpi ta’ kontroll skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2017/625 u informazzjoni dwar il-miżuri applikati minn korpi ta’ kontroll fil-każ ta’ nonkonformità stabbilita jew probabbli jinġabru u jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jissorveljaw l-attivitajiet ta’ dawk il-korpi ta’ kontroll.

7.   Fejn awtorità kompetenti tkun irtirat b’mod totali jew parzjali d-delega ta’ ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew ċerti kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/625, hija għandha tiddeċiedi jekk kwalunkwe ċertifikat maħruġ mill-korpi ta’ kontroll ikkonċernati qabel id-data ta’ dak l-irtirar parzjali jew totali jibqgħux validi, u għandha tinforma lill-operaturi kkonċernati b’dik id-deċiżjoni.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/625, qabel ma jirtiraw b’mod totali jew parzjali d-delega ta’ kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra fil-każijiet msemmija f’dak il-punt, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissospendu b’mod totali jew parzjali dik id-delega:

(a)

għal perijodu li ma għandux jaqbeż 12-il xahar, li matulu l-korp ta’ kontroll għandu jirrimedja n-nuqqasijiet identifikati matul l-awditi u l-ispezzjonijiet jew biex jindirizza n-nonkonformità li rigward tagħha ġiet kondiviża informazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll oħra, mal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll mal-Kummissjoni skont l-Artikolu 43 ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

għall-perijodu li matulu tkun sospiża l-akkreditazzjoni imsemmija fil-punt (b)(iv) tal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2017/625, b’konnessjoni mal-Artikolu 40(3) ta’ dan ir-Regolament.

Fejn id-delega ta’ kompitu ta’ kontrolli uffiċjali jew kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra tkun ġiet sospiża, il-korpi ta’ kontroll ikkonċernati ma għandhomx joħorġu ċertifikati msemmija fl-Artikolu 35 għal dawk il-partijiet li għalihom tkun ġiet sospiża d-delega. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu jekk kwalunkwe ċertifikat maħruġ mill-korpi ta’ kontroll ikkonċernati qabel id-data ta’ dak l-irtirar parzjali jew totali jibqgħux validi, u għandhom jinformaw lill-operaturi kkonċernati b’dik id-deċiżjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ineħħu s-sospensjoni tad-delega ta’ kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew kompiti relatati ma’ attivitajiet uffiċjali oħra kemm jista’ jkun malajr ladarba l-korp ta’ kontroll ikun irrimedja n-nuqqasijiet jew in-nonkonformitajiet imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jew ladarba l-korp ta’ akkreditazzjoni ikun neħħa s-sospensjoni tal-akkreditazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

9.   Fejn korp ta’ kontroll li lilu l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddelegaw ċerti kompiti ta’ kontrolli uffiċjali jew ċerti kompiti relatati ma’attivitajiet uffiċjali oħra jkun ġie wkoll rikonoxxut mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 46(1) ta’ dan ir-Regolament biex iwettaq attivitajiet ta’ kontroll f’pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni jkun biħsiebha tirtira jew tkun irtirat ir-rikonoxximent ta’ dak il-korp ta’ kontroll, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jorganizzaw awditi jew spezzjonijiet fuq il-korp ta’ kontroll rigward l-attivitajiet tiegħu fl-Istat Membru jew Stati Membri kkonċernati f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/625.

10.   Il-korpi ta’ kontroll għandhom jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti:

(a)

lista tal-operaturi li ġew soġġetti għall-kontrolli tagħhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena preċedenti sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena; u

(b)

informazzjoni dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa fis-sena preċedenti biex tappoġġa l-preparazzjoni tal-parti dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 113 tar-Regolament (UE) 2017/625 sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

11.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-kondizzjonijiet għad-delega ta’ kompiti ta’ kontrolli uffiċjali u kompiti relatati ma’attivitajiet uffiċjali oħra lil korpi ta’ kontroll minbarra l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 41

Regoli addizzjonali dwar azzjonijiet f’każ ta’ nonkonformità

1.   Soġġett għall-Artikolu 29, fejn awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll, jissuspetta jew jirċievi informazzjoni affidabbli, inkluż informazzjoni mingħand awtoritajiet kompetenti oħra, jew, fejn xieraq, mingħand awtoritajiet ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll oħra, li operatur ikun biħsiebu juża jew iqiegħed fis-suq prodott li jista’ ma jkunx konformi ma’ dan ir-Regolament iżda li jkollu termini li jirreferu għall-produzzjoni organika, jew fejn tali fejn awtorità kompetenti, jew fejn adatt, awtorità ta’ kontroll jew korp ta’ kontroll ikun ġie informat minn operatur b’suspett ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 27:

(a)

għandu jwettaq b’mod immedjat investigazzjoni uffiċjali f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/625 bil-ħsieb li tiġi vverifikata l-konformità ma’ dan ir-Regolament; tali investigazzjoni għandha titlesta kemm jista’ jkun malajr, f’perijodu raġonevoli, u għandha tieħu kont tad-durabbiltà tal-prodott u l-kumplessità tal-każ;

(b)

għandu jipprojbixxi b’mod proviżorju kemm it-tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati bħala organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni kif ukoll l-użu tagħhom fil-produzzjoni organika sa meta jaslu r-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt (a). Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, l-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandu jagħti lill-operatur opportunità biex jikkummenta.

2.   Fil-każ li r-riżultati tal-investigazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ma juru ebda nonkonformità li taffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni, l-operatur għandu jiġi permess li juża l-prodotti kkonċernati jew li jqiegħdhom fis-suq bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura, u jipprevedu kwalunkwe sanzjoni neċessarja, biex jipprevjenu l-użu frodulenti tal-indikazzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu katalgu komuni ta’ miżuri għal każijiet ta’ nonkonformità suspettata u ta’ nonkonformità stabbilita li għandhom jiġu applikati fit-territorju tagħhom, inkluż minn awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jispeċifikaw arranġamenti uniformi għall-każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu miżuri b’rabta ma’ nonkonformità suspettata jew nonkonformità stabbilita.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 42

Regoli addizzjonali dwar miżuri fil-każ ta’ nonkonformità

1.   F’każ ta’ nonkonformità li taffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni matul kwalunkwe stadju ta’ produzzjoni, preparazzjoni u distribuzzjoni, pereżempju b’riżultat tal-użu ta’ prodotti, sustanzi jew tekniki mhux awtorizzati, jew it-taħlit ma’ prodotti mhux organiċi, l-awtoritajiet kompetenti, u kif adatt, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, għandhom jiżguraw, flimkien mal-miżuri li għandhom jittieħdu f’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2017/625, li ma ssir ebda referenza għall-produzzjoni organika fit-tikkettar u r-reklamar tal-lott kollu kemm hu jew it-tiratura kkonċernata.

2.   Fil-każ ta’ nonkonformità serja, jew ripetittiva jew kontinwa, l-awtoritajiet kompetenti, u, fejn adatt, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, għandhom jiżguraw li l-operaturi jew il-gruppi ta’ operaturi kkonċernati, flimkien mal-miżuri stipulati fil-paragrafu 1 u kwalunkwe miżura adatta meħuda b’mod partikolari f’konformità mal-Artikolu 138 tar-Regolament (UE) 2017/625, ma jitħallewx jikkummerċjalizzaw prodotti li jirreferu għal produzzjoni organika għal perijodu determinat, u li ċ-ċertifikat tagħhom imsemmi fl-Artikolu 35 jiġi sospiż jew irtirat, kif xieraq.

Artikolu 43

Regoli addizzjonali dwar l-iskambju ta’ informazzjoni

1.   Flimkien mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 105(1) u Artikolu 106(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkondividu b’mod immedjat l-informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, kif ukoll mal-Kummissjoni, dwar kwalunkwe suspett ta’ nonkonformità li jaffettwa l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkondividu dik l-informazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra u l-Kummissjoni permezz ta’ sistema tal-kompjuter li tippermetti skambji elettroniċi ta’ dokumenti u informazzjoni li jsiru disponibbli mill-Kummissjoni.

2.   F’każijiet fejn ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita tkun ġiet identifikata rigward prodotti taħt il-kontroll ta’ awtoritajiet ta’ kontroll jew korpi ta’ kontroll oħra, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għandhom jinformaw b’mod immedjat lil dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll l-oħra.

3.   L-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għandhom jiskambjaw informazzjoni rilevanti oħra mal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll l-oħra.

4.   Meta jirċievu talba li tkun ġustifikata mill-ħtieġa li jkun iggarantit li prodott ikun ġie prodott f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għandhom jiskambjaw mal-awtoritajiet kompetenti l-oħra, kif ukoll mal-Kummissjoni, informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kontrolli tagħhom.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar is-superviżjoni tal-korpi ta’ kontroll mal-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni kif definiti fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (54).

6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri xierqa u jistabbilixxu proċeduri dokumentati sabiex jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-kontrolli tiġi kkomunikata lill-aġenzija tal-pagamenti skont il-ħtiġijiet tagħha għall-fini tal-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (55) u l-atti adottati abbażi ta’ dak l-Artikolu.

7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll responsabbli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu, il-benefiċjarji rilevanti ta’ din l-informazzjoni u l-proċeduri li skonthom dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta, inkluż il-funzjonalitajiet tas-sistema tal-kompjuter imsemmija fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

KAPITOLU VII

KUMMERĊ MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 44

Esportazzjoni ta’ prodotti organiċi

1.   Prodott jista’ jiġi esportat mill-Unjoni bħala prodott organiku u jista’ jkollu fuqu l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, jekk jikkonforma mar-regoli għall-produzzjoni organika skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jissupplimentaw dan ir-Regolament rigward dokumenti maħsuba għall-awtoritajiet doganali f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ esportazzjoni organika f’forma elettronika kull fejn ikun possibbli u tal-forniment ta’ garanziji li l-prodotti organiċi esportati jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 45

Importazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni

1.   Prodott jista’ jiġi importat minn pajjiż terz għall-finijiet tat-tqegħid ta’ dak il-prodott fis-suq fl-Unjoni bħala prodott organiku jew bħala prodott fil-fażi ta’ konverżjoni, dment li t-tliet kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-prodott huwa prodott kif imsemmi fl-Artikolu 2(1);

(b)

japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

il-prodott jikkonforma mal-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-Regolament u l-operaturi kollha u l-gruppi ta’ operaturi imsemmija fl-Artikolu 36, inkluż l-esportaturi fil-pajjiż terz ikkonċernat, kienu soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46, u dawk l-awtoritajiet jew korpi jkunu fornew li dawn l-operaturi kollha ċertifikat li jikkonferma li huma f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(ii)

fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 47, dak il-prodott jikkonforma mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali rilevanti; jew

(iii)

fil-każijiet kollha fejn il-prodott joriġina minn pajjiż terz li huwa rikonoxxut f’konformità mal-Artikolu 48, dak il-prodott jikkonforma mal-produzzjoni u r-regoli ta’ kontroll ekwivalenti ta’ dak il-pajjiż terz u huwa importat b’ċertifikat ta’ spezzjoni li jikkonferma din il-konformità li jkun inħareġ mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dak il-pajjiż terz; u

(c)

l-operaturi f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu fi kwalunkwe ħin, jipprovdu lill-importaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali fl-Unjoni u f’dawk il-pajjiżi terzi informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-operaturi li huma l-fornituri tagħhom u l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll ta’ dawk il-fornituri, bil-ħsieb li tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni kkonċernat. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll tal-importaturi.

2.   Il-Kummissjoni tista’, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24(9), tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-użu ta’ prodotti u sustanzi f’pajjiżi terzi u fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont tad-differenzi fil-bilanċ ekoloġiku fil-produzzjoni tal-pjanti jew tal-annimali, kundizzjonijiet klimatiċi speċifiċi, tradizzjonijiet u kundizzjonijiet lokali f’dawk iż-żoni. Tali awtorizzazzjonijiet speċifiċi jistgħu jingħataw għal perijodu rinnovabbli ta’ sentejn u għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji stipulati fil-Kapitolu II u għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24(3) u (6).

3.   Meta tkun qed tipprevedi l-kriterji għad-determinazzjoni jekk sitwazzjoni tikkwalifikax bħala ċirkostanzi katastrofiċi, u meta tkun qed tistipula regoli speċifiċi dwar kif dawn għandhom jiġu ttrattati tali ċirkostanzi f’konformità mal-Artikolu 22, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tad-differenzi fil-bilanċ ekoloġiku, kundizzjonijiet klimatiċi u lokali f’pajjiżi terzi u fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti regoli speċifiċi rigward il-kontenut taċ-ċertifikati msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-ħruġ tagħhom, il-verifika tagħhom u l-mezzi tekniċi li permezz tagħhom jinħareġ iċ-ċertifikat, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tal-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll, filwaqt li tiġi żgurata t-traċċabbiltà u l-konformità ta’ prodotti importati bil-ħsieb li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi jew bħala prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

5.   L-osservanza tal-kondizzjonijiet u l-miżuri għall-importazzjoni ta’ prodotti organiċi u prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni imsemmija fil-paragrafu 1 fl-Unjoni għandha tkun aċċertata fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, f’konformità mal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625. Il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi msemmija fl-Artikolu 49(2) ta’ dak ir-Regolament għandha tiddependi mill-probabbiltà ta’ nonkonformità kif definita fil-punt (57) tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tirrikonoxxi awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll li jkunu kompetenti biex iwettqu l-kontrolli u biex joħorġu ċertifikati organiċi f’pajjiżi terzi, biex tirtira r-rikonoxximent ta’ tali awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll, u biex tistabbilixxi lista ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll rikonoxxuti.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

2.   L-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll għandhom jiġu rikonoxxuti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għall-kontroll ta’ importazzjoni tal-kategoriji ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 35(7) jekk jissodisfaw il-kriterji li ġejjin:

(a)

ikunu legalment stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew pajjiż terz;

(b)

ikollhom il-kapaċità li jwettqu kontrolli biex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet li jinsabu fil-punti (a), (b)(i) u (c) tal-Artikolu 45(1) u f’dan l-Artikolu jintlaħqu fir-rigward ta’ prodotti organiċi u ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni maħsuba għall-importazzjoni fl-Unjoni;

(c)

joffru garanziji adegwati ta’ oġġettività u imparzjalità u ma jkollhom ebda konflitt ta’ interess fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ kompiti ta’ kontroll tagħhom;

(d)

fil-każ tal-korpi ta’ kontroll, ikunu akkreditati skont l-istandard armonizzat rilevanti għall-‘Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi’, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

(e)

ikollhom l-għarfien espert, it-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa biex iwettqu l-kompiti ta’ kontroll, u jkollhom numru suffiċjenti ta’ persunal bi kwalifiki u esperjenza adatti; u

(f)

jissodisfaw kwalunkwe kriterju addizzjonali li jista’ jiġi stabbilit f’att delegat adottat skont il-paragrafu 7.

3.   L-akkreditazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 2 tista’ tingħata biss minn:

(a)

korp ta’ akkreditazzjoni nazzjonali fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008; jew

(b)

korp ta’ akkreditazzjoni barra l-Unjoni li jkun firmatarju ta’ ftehim multilaterali ta’ rikonoxximent taħt il-patroċinju tal-Forum Internazzjonali tal-Akkreditazzjoni.

4.   L-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll għandhom jippreżentaw talba għal rikonoxximent lill-Kummissjoni. Tali talba għandha tikkonsisti minn dossier tekniku li fih l-informazzjoni kollha li tkun neċessarja biex jiġi żgurat li l-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 2 jintlaħqu.

L- awtoritajiet ta’ kontroll għandhom jipprovdu l-aħħar rapport ta’ valutazzjoni maħruġ mill-awtorità kompetenti, u korpi ta’ kontroll għandhom jipprovdu ċ-ċertifikat ta’ akkreditazzjoni maħruġ mill-korp ta’ akkreditazzjoni. Fejn xieraq, l-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll għandhom jipprovdu wkoll l-aħħar rapporti dwar l-evalwazzjoni regolari fuq il-post, is-sorveljanza u l-valutazzjoni mill-ġdid pluriennali tal-attivitajiet tagħhom.

5.   Abbażi tal-informazzjoni msemmija skont il-paragrafu 4 u ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra relatata mal-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, il-Kummissjoni għandha tiżgura superviżjoni adatta tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti billi kontinwament tirrevedi l-prestazzjoni u r-rikonoxximent tagħhom. Għall-finijiet ta’ dik is-superviżjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-korpi ta’ akkreditazzjoni jew lill-awtoritajiet kompetenti, kif adatt,.

6.   In-natura tas-superviżjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkun iddeterminata abbażi ta’ valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ nonkonformità, filwaqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-attività tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll, it-tip ta’ prodotti u l-operaturi fil-kontroll tiegħu u l-bidliet fir-regoli tal-produzzjoni u l-miżuri ta’ kontroll.

Ir-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll jew tal-korpi ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 għandu b’mod partikolari jiġi rtirat mingħajr dewmien, f’konformità mal-proċedura msemmija f’dak il-paragrafu, fejn ikun ġie individwat ksur serju jew ripetittiv rigward iċ-ċertifikazzjoni jew il-kontrolli u l-azzjonijiet stipulati f’konformità mal-paragrafu 8 u fejn l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll ikkonċernat ikun naqas milli jieħu azzjoni rimedjali adatta u f’waqtha b’reazzjoni ta’ talba mill-Kummissjoni f’perijodu determinat mill-Kummissjoni. Tali perijodu għandu jiġi determinat skont is-severità tal-problema u b’mod ġenerali ma għandux ikun inqas minn 30 jum.

7.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54:

(a)

li jemendaw il-paragrafu 2 dan l-Artikolu billi jżidu aktar kriterji ma’ dawk stipulati fih għar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u għall-irtirar ta’ tali rikonoxximent„ jew billi jemendaw dawk il-kriterji miżjuda;

(b)

li jissupplimentaw dan ir-Regolament rigward:

(i)

l-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti mill-Kummissjoni f’konformità mal-paragrafu 1, inkluż permezz ta’ eżamijiet fuq il-post; u

(ii)

il-kontrolli u azzjonijiet oħra li għandhom jitwettqu minn dawk l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.

8.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu b’rabta mal-każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni importati skont ir-rikonoxximent previst f’dan l-Artikolu. Tali miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari fil-verifika tal-integrità tal-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni u, fejn xieraq, fis-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

9.   Għal raġunijiet debitament ġustifikati u ferm importanti ta’ urġenza relatati ma’ prattiki inġusti jew prattiki li huma inkompatibbli mal-prinċipji u r-regoli dwar il-produzzjoni organika, il-protezzjoni tal-fiduċja tal-konsumaturi jew il-protezzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta bejn l-operaturi, il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament l-atti ta’ implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 55(3) sabiex tieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu jew sabiex tiddeċiedi dwar l-irtirar tar-rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll jew tal-korpi ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 47

Ekwivalenza skont ftehim kummerċjali

Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li l-Unjoni rrikonoxxiet skont ftehim kummerċjali li għandu sistema ta’ produzzjoni li tilħaq l-istess objettivi u prinċipji bl-applikazzjoni tar-regoli li jiżguraw l-istess livell ta’ garanzija ta’ konformità bħal dawk tal-Unjoni.

Artikolu 48

Ekwivalenza skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007

1.   Pajjiż terz rikonoxxut kif imsemmi fil-punt (b)(iii) tal-Artikolu 45(1) huwa pajjiż terz li ġie rikonoxxut għall-fini tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, inkluż dawk rikonoxxuti skont il-miżuri transitorji previsti fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rikonoxximent għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.

2.   Abbażi ta’ rapporti annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, mill-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 rigward l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri ta’ kontroll stabbiliti minnhom, u fid-dawl ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra riċevuta, il-Kummissjoni għandha tiżgura superviżjoni adatta tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti billi regolarment tirrevedi r-rikonoxximent tagħhom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza tal-Istati Membri. In-natura tas-superviżjoni għandha tkun iddeterminata abbażi ta’ valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ nonkonformità, filwaqt li jittieħed kont b’mod partikolari tal-volum ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni minn dak il-pajjiż terz, ir-riżultati tal-monitoraġġ u l-attivitajiet superviżorji mwettqa mill-awtorità kompetenti u r-riżultati ta’ kontrolli preċedenti. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tar-rieżami tagħha.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 u tista’ temenda dik il-lista permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

4.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-pajjiżi terzi elenkati f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu li hija meħtieġa għas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ dik is-superviżjoni mill-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ eżami fuq il-post.

5.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ miżuri b’rabta mal-każijiet ta’ nonkonformità suspettata jew stabbilita, b’mod partikolari dawk li jaffettwaw l-integrità ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni importati minn pajjiżi terzi msemmija f’dan l-Artikolu. Tali miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari fil-verifika tal-integrità tal-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni qabel ma l-prodotti jitqiegħdu fis-suq fl-Unjoni u, fejn xieraq, fis-sospensjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ tali prodotti fl-Unjoni bħala prodotti organiċi jew prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 49

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 47 u 48

Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tal-applikazzjoni tal-Artikoli 47 u 48, b’mod partikolari fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ ekwivalenza.

KAPITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TAQSIMA 1

Moviment liberu ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni

Artikolu 50

Nonprojbizzjoni u nonrestrizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni

L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll ma għandhomx, għal raġunijiet li jirrigwardaw mal-produzzjoni, mat-tikkettar jew mal-preżentazzjoni tal-prodotti, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti organiċi jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni soġġetti għal kontroll minn awtorità kompetenti oħra, minn awtorità ta’ kontroll jew minn korp ta’ kontroll li jinsabu fi Stat Membru ieħor fejn dawk il-prodotti jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, ma għandhomx jitwettqu ebda kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħrajn minbarra dawk skont ir-Regolament (UE) 2017/625 u ma għandhom jinġabru ebda tariffi għal kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħrajn minbarra dawk previsti fil-Kapitolu VI ta’ dak ir-Regolament.

TAQSIMA 2

Informazzjoni, rappurtar u derogi relatati

Artikolu 51

Informazzjoni relatata mas-settur organiku u l-kummerċ

1.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Sa fejn ikun possibbli, din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata fuq sorsi ta’ data stabbiliti. Il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtiġijiet ta’ data u s-sinerġiji bejn is-sorsi ta’ data potenzjali, partikolarment l-użu tagħhom għal raġunijiet ta’ statistika fejn xieraq.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ta’ implimentazzjoni fir-rigward tas-sistema li għandha tintuża għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, id-dettalji tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, u sa liema data għandha tintbagħat dik l-informazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

Artikolu 52

Informazzjoni relatata mal-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu lista aġġornata regolarment ta’:

(a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti; u

(b)

l-ismijiet, l-indirizzi u n-numri tal-kodiċi għall-awtoritajiet ta’ kontroll u għall-korpi ta’ kontroll.

L-Istati Membri għandhom jittrażmettu dawk il-listi, u kwalunkwe bidla fihom, lill-Kummissjoni u jippubblikawhom, ħlief fejn tali trażmissjoni u pubblikazzjoni tkun diġà saret f’konformità mal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2017/625.

2.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika regolarment fuq l-Internet lista aġġornata tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

Artikolu 53

Derogi, awtorizzazzjonijiet u rapport

1.   Id-derogi mill-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u mill-użu tal-annimali organiċi previsti taħt il-punti 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II u l-punti 1.3.4.3 u 1.3.4.4 tal-Parti II tal-Anness II, bl-eċċezzjoni tal-punt 1.3.4.4.2 tal-Parti II tal-Anness II, għandhom jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2035.

2.   Mill-1 ta’ Jannar 2028, abbażi tal-konklużjonijiet fir-rigward tad-disponibbiltà tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku u tal-annimali ppreżentati fir-rapport previst taħt fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw dan ir-Regolament billi:

(a)

jintemmu d-derogi msemmija fil-punt 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II u fil-punti 1.3.4.3 u 1.3.4.4 tal-Parti II tal-Anness II, bl-eċċezzjoni tal-punt 1.3.4.4.2 tal-Parti II tal-Anness II, f’data aktar kmieni mill-31 ta’ Diċembru 2035 jew li jestenduhom għal wara dik id-data; jew

(b)

tintemm id-deroga msemmija fil-punt 1.3.4.4.2 tal-Parti II tal-Anness II.

3.   Mill-1 ta’ Jannar 2026, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54 li jemendaw il-punt (b) tal-Artikolu 26(2) biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 26(2) għall-għawwietaq u l-punt 1.3.4.3 tal-Parti II tal-Anness II, sabiex id-derogi dwar l-għawwietaq jiġu bbażati fuq id-data miġbura f’konformità ma’ din is-sistema.

4.   Mill-1 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 54, abbażi tal-informazzjoni rigward id-disponibbiltà tal-għalf tal-proteini organiku għat-tjur u annimali porċini li jkun sar disponibbli mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu jew ippreżentata fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, li jintemmu l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ għalf tal-proteini mhux organiku fin-nutrizzjoni tat-tjur u l-annimali porċini msemmija fil-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tal-Parti II tal-Anness II f’data qabel il-31 ta’ Diċembru 2025 jew li jestenduhom wara dik id-data.

5.   Meta testendi d-derogi jew l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan biss sakemm hija jkollha informazzjoni, b’mod partikolari informazzjoni ipprovduta mill-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 6, li tikkonferma n-nuqqas ta’ disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni tal-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, -annimal jew għalf ikkonċernat.

6.   Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra:

(a)

informazzjoni provduta fil-bażi ta’ data imsemmija fl-Artikolu 26(1) u fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(2) u, jekk rilevanti, fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(3);

(b)

informazzjoni dwar id-derogi mogħtija f’konformità mal-punt 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II u l-punt 1.3.4.3 u 1.3.4.4 tal-Parti II tal-Anness II; u

(c)

informazzjoni dwar id-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni tal-għalf tal-proteini organiku għal tjur u annimali porċini u dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija f’konformità mal-punti 1.9.3.1 (c) u 1.9.4.2 (c) tal-Parti II tal-Anness II.

7.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà fis-suq tal-Unjoni u, jekk rilevanti, dwar il-kawżi ta’ aċċess limitat għal:

(a)

materjal riproduttiv tal-pjanti organiku;

(b)

annimali organiċi koperti bid-derogi msemmija fil-punti 1.3.4.3 u 1.3.4.4 tal-Parti II tal-Anness II;

(c)

għalf tal-proteini organiku maħsub għan-nutrizzjoni ta’ tjur u annimali porċini soġġett għall-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tal-Parti II tal-Anness II.

Fit-tfassil ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, id-data miġbura f’konformità mal-Artikolu 26 kif ukoll l-informazzjoni relatata mad-derogi u l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI, TRANSITORJI U FINALI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet proċedurali

Artikolu 54

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li jkunu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 26(5), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), l-Artikolu 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l- Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 26(5), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l-Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(6), l-Artikolu 9(11), l-Artikolu 10(5), l-Artikolu 12(2), l-Artikolu 13(3), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 15(2), l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 17(2), l-Artikolu 18(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(1), l-Artikolu 22(1), l-Artikolu 23(2), l-Artikolu 24(6), l-Artikolu 30(7), l-Artikolu 32(4), l-Artikolu 33(6), l-Artikolu 34(8), l-Artikolu 35(9), l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(8), l-Artikolu 40(11), l-Artikolu 44(2), l-Artikolu 46(7), l-Artikolu 48(4), l-Artikolu 53(2), (3) u (4), l-Artikolu 57(3) u l-Artikolu 58(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm ebda oġġezzjoni espressa kemm mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li huma ma joġġezzjonawx. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 55

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat imsejjaħ ‘Il-Kumitat għall-Produzzjoni Organika’. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

4.   Fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

TAQSIMA 2

Revoka u dispożizzjonijiet transitorji u finali

Artikolu 56

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 huwa rrevokat.

Madankollu, dak ir-Regolament għandu jibqa’ japplika għall-finijiet tat-tlestija tal-analiżi tal-applikazzjonijiet pendenti minn pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 58 ta’ dan ir-Regolament.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 57

Miżuri transitorji relatati mal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007

1.   Ir-rikonoxximent ta’ awtoritajiet ta’ kontroll u ta’ korpi ta’ kontroll mogħti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 għandu jiskadi mhux aktar tard mil-31 ta’ Diċembru 2023.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista tal-awtoritajiet ta’ kontroll u korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, u tista’ temenda dik il-lista permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 55(2).

3.   Il- Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 54 li jissuplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li hi meħtieġa għall-finijiet tas-superviżjoni tar-rikonoxximent tagħhom mill-Kummissjoni, kif ukoll it-twettiq ta’ din is-superviżjoni mill-Kummissjoni, inkluż permezz ta’ eżaminazzjoni fuq il-post.

Artikolu 58

Miżuri transitorji relatati mal-applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi sottomessi skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007

1.   Il-Kummissjoni għandha tlesti l-analiżi tal-applikazzjonijiet minn pajjiżi terzi li jkunu ġew ippreżentati skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament Nru 834/2007 u li jkunu pendenti fis-17 ta’ Ġunju 2018. Dak ir-Regolament għandu japplika għall-analiżi ta’ dawn l-applikazzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 54 li jissuplimenta dan ir-Regolament billi tistipula r-regoli proċedurali meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, inkluż dwar l-informazzjoni li għandha titressaq minn pajjiżi terzi.

Artikolu 59

Miżuri transizzjonali relatati mal-ewwel rikonoxximent tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll

B’deroga mid-data ta’ applikazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 61, l-Artikolu 46 għandu japplika mis-17 ta’ Ġunju 2018 safejn meħtieġ sabiex ikun hemm rikonoxximent f’waqtu tal-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll.

Artikolu 60

Miżuri transitorji għall-ħażniet ta’ prodotti organiċi magħmula skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007

Prodotti li jiġu prodotti skont ir-Regolament (KE) Nru 834/2007 qabel l-1 ta’ Jannar 2021 jistgħu jitqiegħdu fis-suq wara dik id-data sakemm jispiċċaw il-ħażniet.

Artikolu 61

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 75.

(2)  ĠU C 19, 21.1.2015, p. 84.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018.

(4)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

(6)  Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(7)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(8)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(9)  Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).

(10)  Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71).

(11)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(13)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(15)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(16)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(17)  Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1).

(18)  Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298).

(19)  Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU 125, 11.7.1966, p. 2309).

(20)  Direttiva tal-Kunsill 68/193/KEE tad-9 ta’ April 1968 dwar il-marketing ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (ĠU L 93, 17.4.1968, p. 15).

(21)  Direttiva tal-Kunsill 98/56/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar il-marketing tal-materjali tal-propagazzjoni tal-pjanti ornamentali (ĠU L 226, 13.8.1998, p. 16).

(22)  Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(23)  Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq ta’ żerriegħa tal-pitravi (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 12).

(24)  Direttiva tal-Kunsill 2002/55/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing ta’ żrieragħ tal-ħxejjex (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33).

(25)  Direttiva tal-Kunsill 2002/56/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-bejgħ fis-suq tal-patata taż-żerriegħa (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 60).

(26)  Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(27)  Direttiva tal-Kunsill 2008/72/KE tal-15 ta’ Lulju 2008 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa (ĠU L 205, 1.8.2008, p. 28).

(28)  Direttiva tal-Kunsill 2008/90/KE tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni tal-pjanti tal-frott u tal-pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott (ĠU L 267, 8.10.2008, p. 8).

(29)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) NRU 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(30)  Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(31)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(32)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(33)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1).

(34)  Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4).

(35)  Direttiva tal-Kunsill 1999/74/KE tad-19 ta’ Lulju 1999 li tistabbilixxi standards minimi għall-ħarsien ta’ tiġieġ li jbid (ĠU L 203, 3.8.1999, p. 53).

(36)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(37)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(38)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1).

(39)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/82/KE tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(40)  Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31 1.2.2002, p. 1).

(41)  Regolament (KE) Nru 767/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ għalf, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/511/KEE, id-Direttivi tal-Kunsill 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/217/KE (ĠU L 229, 1.9.2009, p. 1).

(42)  Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(43)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(44)  Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29).

(45)  Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1).

(46)  Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-enżimi tal-ikel u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 83/417/KEE, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, id-Direttiva 2000/13/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/112/KE u r-Regolament (KE) Nru 258/97 (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7).

(47)  Direttiva tal-Kunsill 2013/59/Euratom tat-5 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sikurezza għal protezzjoni kontra l-perikli li jirriżultaw minn esponiment għal radjazzjoni jonizzanti, u li tħassar id-Direttivi 89/618/Euratom, 90/641/Euratom, 96/29/Euratom, 97/43/Euratom u 2003/122/Euratom (ĠU L 13, 17.1.2014, p. 1).

(48)  Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(49)  Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1).

(50)  Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabbiltà u l-ittikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabbiltà ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(51)  Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(52)  Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard f’annimali akkwatiċi (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14).

(53)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(54)  Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(55)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).


ANNESS I

PRODOTTI OĦRAJN IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2(1)

Ħmira użata bħala ikel jew għalf,

matè, qamħirrum ħelu, weraq tad-dwieli, qlub tal-palm, hop shoots u partijiet simili oħra tal-pjanti tajbin għall-ikel u prodotti li jiġu prodotti minnhom,

melħ tal-baħar u mluħa oħrajn għall-ikel u l-għalf,

fosdqa tad-dud tal-ħarir għar-rukkelli tal-ħajt,

gomma u reżina naturali,

xama’ tan-naħal,

żjut essenzjali,

tappijiet tas-sufra minn sufra naturali, mhux agglomerati, u mingħajr ebda sustanza li tgħaqqad,

qoton, mhux mimxut jew imqardex,

suf, mhux mimxut jew imqardex,

ġilda mhux maħduma u ġilda mhux trattata,

preparazzjonijiet veġetali tradizzjonali bbażati fuq il-pjanti.


ANNESS II

REGOLI TAL-PRODUZZJONI DETTALJATI MSEMMIJA FIL-KAPITOLU III

Parti I: Regoli għall-produzzjoni tal-pjanti

Minbarra r-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9 sa 12, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-pjanti.

1.   Rekwiżiti ġenerali

1.1.   Għelejjel organiċi, ħlief dawk li jikbru fl-ilma b’mod naturali, għandhom jiġu prodotti f’ħamrija ħajja, jew f’ħamrija ħajja imħallta jew fertilizzata b’materjali u prodotti permessi fil-produzzjoni organika, b’rabta mas-sottoswol u s-sodda ta’ blat.

1.2.   Il-produzzjoni idroponika, li hija metodu ta’ tkabbir tal-pjanti li ma jikbrux b’mod naturali fl-ilma bl-għeruq tagħhom f’soluzzjoni ta’ nutrijenti waħedha jew f’midjum inert li miegħu tinżdied soluzzjoni ta’ nutrijenti, hija projbita.

1.3.   B’deroga mill-punt 1.1, il-produzzjoni tan-nebbieta permezz tal-umidifikazzjoni taż-żrieragħ u l-ksib tal-irjus tal-indivija inkluż permezz ta’ tgħaddis f’ilma ċar għandhom ikunu permessi.

1.4.   B’deroga mill-punt 1.1, il-prattiki li ġejjin għandhom ikunu permessi:

(a)

it-tkabbir ta’ pjanti għall-produzzjoni ta’ pjanti ornamentali u ħxejjex aromatiċi li jinbiegħu f’qasrija lill-konsumatur finali;

(b)

it-tkabbir ta’ nebbieta jew trapjanti f’kontenituri għal aktar trapjantar.

1.5.   B’deroga mill-punt 1.1, it-tkabbir ta’ għelejjel fi mżiera’ demarkati għandu jkun permess biss għal dawk l-uċuħ li jkunu ġew iċċertifikati bħala organiċi għal dik il-prattika qabel it-28 ta’ Ġunju 2017 fil-Finlandja, l-Iżvezja u d-Danimarka. L-ebda estensjoni ta’ dawk l-uċuħ ma għandha tkun permessa.

Dik id-deroga għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2030.

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu ta’ mżiera’ demarkati fl-agrikoltura organika. Dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva dwar l-użu ta’ mżiera’ demarkati fl-agrikoltura organika.

1.6.   It-teknika kollha tal-produzzjoni tal-pjanti użata għandha tevita jew timminimizza kull kontribuzzjoni għal kontaminazzjoni tal-ambjent.

1.7.   Konverżjoni

1.7.1.

Biex il-pjanti u l-prodotti mill-pjanti jkunu jistgħu jitqiesu bħala prodotti organiċi, ir-regoli tal-produzzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-biċċiet agrikoli matul perijodu ta’ konverżjoni ta’ mill-inqas sentejn qabel iż-żrigħ, jew, fil-każ ta’ art miżrugħa bil-ħaxix jew foraġġ perenni, tul perijodu ta’ mill-inqas sentejn qabel dan jintuża bħala għalf organiku, jew, fil-każ ta’ foraġġ perenni li mhumiex għalf, tul perijodu ta’ mill-inqas tliet snin qabel l-ewwel ħsad ta’ prodotti organiċi.

1.7.2.

Fejn l-art jew roqgħa art jew diversi rqajja’ ta’ art minnha jkunu ġew ikkontaminati bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li testendi l-perijodu ta’ konverżjoni għall-art jew l-irqajja’ ta’ art ikkonċernati lil hinn mill-perijodu msemmi fil-punt 1.7.1.

1.7.3.

Fil-każ ta’ trattament bi prodott jew sustanza li ma tkunx awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika, l-awtorità kompetenti għandha teħtieġ perijodu ta’ konverżjoni ġdid, b’konformità mal-punt 1.7.1.

Dan il-perijodu jista’ jitqassar fiż-żewġ każijiet li ġejjin:

(a)

it-trattament bi prodott jew sustanza mhux awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika bħala parti minn miżura obbligatorja ta’ kontroll ta’ pesti jew ħaxix ħażin, fosthom organiżmi li jeħtieġu kwarantina jew speċijiet invażivi, imposta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

trattament bi prodott jew sustanza mhux awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika bħala parti minn testijiet xjentifiċi approvati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

1.7.4.

Fil-każijiet imsemmijin fil-punti 1.7.2 u 1.7.3, it-tul tal-perijodu ta’ konverżjoni għandu jkun iffissat filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-proċess ta’ degradazzjoni tal-prodott jew sustanza kkonċernata għandu jiggarantixxi, fl-aħħar tal-perijodu ta’ konverżjoni, livell insinifikanti ta’ residwi fil-ħamrija u, fil-każ ta’ għelejjel perenni, fil-pjanta;

(b)

il-ħsad wara t-trattament ma jistax jitqiegħed fis-suq bħala prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

1.7.4.1.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda minnhom li tistabbilixxi miżuri obbligatorji relatati ma’ trattament bi prodott jew sustanza mhux awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika.

1.7.4.2.

Fil-każ ta’ trattament bi prodott jew sustanza li ma tkunx awtorizzata għall-użu fil-produzzjoni organika, il-punt 1.7.5(b) ma għandux japplika.

1.7.5.

Fil-każ ta’ art assoċjata mal-produzzjoni tal-bhejjem organiċi:

(a)

ir-regoli tal-konverżjoni għandhom japplikaw għaż-żona kollha tal-unità tal-produzzjoni li fiha jiġi prodott l-għalf tal-annimali;

(b)

minkejja l-punt (a), il-perijodu ta’ konverżjoni jista’ jitnaqqas għal sena fil-mergħat u fl-ispazji fil-miftuħ użati minn speċijiet mhux erbivori.

1.8.   L-oriġini tal-pjanti, inkluż il-materjal riproduttiv tal-pjanti

1.8.1.

Għall-produzzjoni ta’ pjanti u prodotti mill-pjanti minbarra l-materjal riproduttiv tal-pjanti, għandu jintuża biss materjal riproduttiv tal-pjanti li jkun prodott b’mod organiku.

1.8.2.

Biex jinkiseb materjal riproduttiv tal-pjanti biex jintuża għal-produzzjoni ta’ prodotti minbarra materjal riproduttiv tal-pjanti, il-pjanta omm u, fejn rilevanti, pjanti oħrajn maħsubin għall-produzzjoni ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti għandhom ikunu ġew prodotti f’konformità ma’ dan ir-Regolament għal mill-inqas ġenerazzjoni waħda, jew, fil-każ tal-għelejjel perenni, għal mill-inqas ġenerazzjoni waħda matul żewġ staġunijiet ta’ trobbija.

1.8.3.

Fl-għażla ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku, l-operaturi għandhom jagħtu preferenza lil materjal riproduttiv organiku tal-pjanti li jkun adatt għal agrikoltura organika.

1.8.4.

Għall-produzzjoni ta’ varjetajiet organiċi adatti għall-produzzjoni organika, l-attivitajiet ta’ tnissil organiku għandhom jitwettqu f’kundizzjonijiet organiċi u għandhom jiffokaw fuq it-titjib tad-diversità ġenetika, fuq id-dipendenza tal-abbiltà tar-riproduzzjoni naturali, kif ukoll il-prestazzjoni agronomika, ir-reżistenza għall-mard u l-adattament għall-kundizzjonijiet klimatiċi u tal-ħamrija lokali differenti.

Il-prattiki kollha ta’ multiplikazzjoni, ħlief il-kultura meristem, għandhom jitwettqu taħt ġestjoni organika ċċertifikata.

1.8.5.

L-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni u mhux organiku

1.8.5.1.

B’deroga mill-punt 1.8.1, fejn id-data li tinġabar fil-bażi ta’ data msemmija fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) turi li l-ħtiġijiet kwalitattivi jew kwantitattivi tal-operatur fir-rigward ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti organiku rilevanti, minbarra n-nebbieta, ma jkunux issodisfati, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1.8.5.3, 1.8.5.4 u 1.8.5.5.

Qabel ma jitlob xi deroga bħal din, il-bidwi għandu jikkonsulta l-bażi ta’ data kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) jew is-sistema msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 26(2) sabiex jiġi vverifikat jekk it-talba tiegħu jew tagħha tkunx ġustifikata.

1.8.5.2.

L-awtoritajiet ta’ kontroll jew il-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti skont l-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw operaturi f’pajjiżi terzi biex jużaw materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku f’unità tal-produzzjoni organika, meta l-materjal riproduttiv tal-pjanti organiku ma jkunx disponibbli fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż terz fejn jinsab l-operatur, skont il-kondizzjonijiet stipulati taħt il-punti 1.8.5.3, 1.8.5.4 u 1.8.5.5.

1.8.5.3.

Materjal riproduttiv tal-pjanti mhux organiku ma għandux ikun trattat bi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ħlief dawk awtorizzati għat-trattament taż-żerriegħa f’konformità mal-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx ġie preskritt trattament kimiku f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/2031 għal finijiet fitosanitarji mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għall-varjetajiet kollha ta’ speċijiet partikolari fiż-żona fejn għandu jintuża l-materjal riproduttiv tal-pjanti.

1.8.5.4.

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku għandha tinkiseb qabel ma jinżergħu l-għelejjel.

1.8.5.5.

L-awtorizzazzjoni għall-użu ta’ materjal riproduttiv tal-pjanti fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku għandha tingħata biss lil utenti individwali għal staġun wieħed kull darba, u l-awtorità kompetenti responsabbli għal awtorizzazzjonijiet għandha telenka l-kwantitajiet tal-materjal riproduttiv tal-pjanti awtorizzat.

1.9.   Il-ġestjoni tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni

1.9.1.

Fil-produzzjoni ta’ pjanti organiċi, għandhom jintużaw prattiki ta’ tħaddim tar-raba’ u ta’ kultivazzjoni li jżommu jew iżidu l-massa organika fil-ħamrija, itejbu l-istabbiltà u l-bijodiversità tal-ħamrija, u jevitaw it-trassis u l-erożjoni tal-ħamrija.

1.9.2.

Il-fertilità u l-attività bijoloġika tal-ħamrija għandhom jinżammu u jiżdiedu:

(a)

ħlief fil-każ ta’ bur jew foraġġ perenni, bl-użu ta’ newba pluriennali tal-għelejjel li tinkludi l-għelejjel tal-legumi obbligatorji bħala għelejjel ewlenin jew ta’ koperta għal newba tal-għelejjel u għelejjel ħodor oħrajn użati biex idemmlu;

(b)

fil-każ ta’ serer jew għelejjel perenni li mhumiex foraġġ, bl-użu ta’ għelejjel ħodor użati biex idemmlu u legumi b’terminu qasir kif ukoll l-użu tad-diversità tal-pjanti; u

(c)

fil-każijiet kollha, bl-applikazzjoni tad-demel tal-bhejjem jew materjal organiku, it-tnejn preferibbilment ikkompostjati, minn produzzjoni organika.

1.9.3.

Fejn ma jistgħux jintlaħqu l-bżonnijiet nutrizzjonali tal-pjanti bil-miżuri previsti fil-punti 1.9.1 u 1.9.2, għandhom jintużaw biss fertilizzanti u tejjieba tal-ħamrija li jkunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, u dan biss sa fejn ikun neċessarju. L-operaturi għandhom iżommu r-rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti.

1.9.4.

L-ammont totali ta’ demel tal-bhejjem, kif definit fid-Direttiva 91/676/KEE, użat fl-unitajiet tal-produzzjoni organika u fil-fażi ta’ konverżjoni ma għandux jaqbeż il-170 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru taż-żona agrikola użata, fis-sena. Dak il-limitu għandu japplika biss għall-użu ta’ demel tal-irziezet, demel tal-irziezet imnixxef u demel tat-tjur diżidrati, ħmieġ ikkompostjat tal-annimali, inkluż id-demel tat-tjur, id-demel tal-irziezet ikkompostjat u ħmieġ likwidu tal-annimali.

1.9.5.

L-operaturi ta’ azjendi agrikoli jistgħu jistabbilixxu ftehimiet ta’ kooperazzjoni bil-miktub esklużivament ma’ operaturi ta’ azjendi u intrapriżi agrikoli oħrajn li jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni organika, għall-finijiet tat-tixrid tad-demel żejjed mill-unitajiet tal-produzzjoni organika. Il-limitu massimu msemmi fil-punt 1.9.4 għandu jiġi ikkalkulat abbażi tal-unitajiet kollha tal-produzzjoni organika involuti f’din il-kooperazzjoni.

1.9.6.

Jistgħu jintużaw preparazzjonijiet adatti ta’ mikroorganiżmi biex itejbu l-kundizzjoni ġenerali tal-art jew biex itejbu d-disponibbiltà ta’ nutrijenti fl-art jew fl-għelejjel.

1.9.7.

Għall-attivazzjoni tal-kompost, jistgħu jintużaw preparazzjonijiet addattati bbażati fuq il-pjanti u preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżmi.

1.9.8.

Ma għandhomx jintużaw fertilizzanti nitroġeni minerali.

1.9.9.

Jistgħu jintużaw preparazzjonijiet bijodinamiċi.

1.10.   Il-ġestjoni ta’ pesti u ħaxix ħażin

1.10.1.

Il-prevenzjoni tal-ħsara li jikkawżaw il-pesti u l-ħaxix ħażin ser tkun ibbażata primarjament fuq il-protezzjoni permezz ta’:

għedewwa naturali,

l-għażla ta’ speċijiet, varjetajiet u materjal eteroġenju,

newba tal-għelejjel,

tekniki tal-kultivazzjoni bħall-fumigazzjoni bijoloġika, metodi mekkaniċi u fiżiċi, u

proċessi termali bħas-solarizzazzjoni u, fil-każ ta’ għelejjel protetti, it-trattament tal-wiċċ tal-ħamrija bil-fwar (sa fond massimu ta’ 10 cm).

1.10.2.

Fejn il-pjanti ma jkunux jistgħu jiġu protetti b’mod adegwat mill-pesti bil-miżuri previsti fil-punt 1.10.1 jew f’każ ta’ periklu stabbilit għall-għelejjel, għandhom jintużaw biss prodotti u sustanzi awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, u dan biss sa fejn ikun neċessarju. L-operaturi għandhom iżommu reġistri li juru l-ħtieġa għall-użu ta’ tali prodotti.

1.10.3.

B’rabta ma’ prodotti u sustanzi użati fin-nases u fid-distributuri awtomatiċi ta’ prodotti u sustanzi mhux feromoni, in-nases jew id-distributuri awtomatiċi għandhom iżommu l-prodotti u s-sustanzi milli jiġu rilaxxati fl-ambjent u għandhom jipprevjenu l-kuntatt bejn il-prodotti u s-sustanzi u l-għelejjel li jkunu qegħdin jiġu kkultivati. In-nases kollha, inklużi n-nases feromoni, għandhom jinġabru wara li jintużaw u għandhom jintremew b’mod sigur.

1.11.   Il-prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni

Huma biss dawk il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni fil-produzzjoni tal-pjanti li huma awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

1.12.   Obbligu taż-żamma ta’ rekords

L-operaturi għandhom iżommu rekords dwar l-irqajja’ tal-art kkonċernati u dwar l-ammont tal-ħsad.

1.13.   Preparazzjoni ta’ prodotti mhux proċessati

Jekk l-operazzjonijiet tal-preparazzjoni għajr l-ipproċessar jitwettqu fuq il-pjanti, ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.5 u 2.2.3 tal-Parti IV għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tali operazzjonijiet.

2.   Regoli dettaljati dwar pjanti u prodotti tal-pjanti speċifiċi

2.1.   Regoli dwar il-produzzjoni tal-faqqiegħ

Għall-produzzjoni tal-faqqiegħ, jistgħu jintużaw is-substrati jekk dawn ikunu komposti biss mill-komponenti li ġejjin:

(a)

demel tal-irziezet u ħmieġ tal-annimali:

(i)

jew minn unitajiet tal-produzzjoni organika jew minn unitajiet fil-fażi ta’ konverżjoni fit-tieni sena tal-konverżjoni tagħhom; jew

(ii)

imsemmijin fil-punt 1.9.3, biss meta ma jkunx disponibbli l-prodott imsemmi fil-punt (i), dment li l-kwantità ta’ dak id-demel tal-irziezet u l-ħmieġ tal-annimali ma taqbiżx il-25 % tal-piż tal-komponenti totali tas-substrat, barra l-materjal ta’ kopertura u xi ilma li jinżied qabel l-ikkompostjar;

(b)

prodotti ta’ oriġini agrikola, għajr dawk imsemmija fil-punt (a), minn unitajiet tal-produzzjoni organika;

(c)

pit, mhux ittrattat bi prodotti kimiċi;

(d)

injam, mhux ittrattat bi prodotti kimiċi wara t-tqaċċit;

(e)

prodotti minerali msemmija fil-punt 1.9.3, ilma u ħamrija.

2.2.   Regoli dwar il-ġbir ta’ pjanti selvaġġi

Il-ġbir ta’ pjanti selvaġġi u partijiet minnhom li jikbru b’mod naturali f’żoni naturali, foresti u żoni agrikoli hu kkunsidrat bħala produzzjoni organika, dment li:

(a)

għal perijodu ta’ mill-anqas tliet snin qabel il-ġbir, dawk iż-żoni ma ġewx ittrattati bi prodotti jew sustanzi għajr dawk awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika;

(b)

il-ġbir ma jaffettwax l-istabbiltà tal-abitat naturali jew il-manteniment tal-ispeċi fiż-żona tal-ġbir.

Parti II: Regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem

Minbarra r-regoli tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 11 u 14, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-bhejjem organiċi.

1.   Rekwiżiti ġenerali

1.1.   Ħlief fil-każ tat-trobbija tan-naħal, għandha tkun ipprojbita l-produzzjoni tal-bhejjem meta ma hemmx art, meta l-bidwi li biħsiebu jipproduċi bhejjem organiċi ma jamministrax art agrikola, u ma jkunx stabbilixxa ftehim ta’ kooperazzjoni bil-miktub ma’ bidwi rigward l-użu ta’ unitajiet ta’ produzzjoni organika jew unitajiet ta’ produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni għal dawk il-bhejjem.

1.2.   Konverżjoni

1.2.1.   Fil-każ ta’ bidu ta’ konverżjoni simultanja tal-unità ta’ produzzjoni, inkluż il-mergħat jew kwalunkwe art użata għall-għalf tal-annimali, u tal-annimali li jeżistu f’din l-unità ta’ produzzjoni fil-bidu tal-perijodu ta’ konverżjoni ta’ din l-unità ta’ produzzjoni kif imsemmi fil-punti 1.7.1 u 1.7.5(b) tal-Parti I, l-annimali u l-prodotti tal-annimali jistgħu jitqiesu bħala organiċi fi tmiem il-perijodu ta’ konverżjoni tal-unità ta’ produzzjoni, anke jekk il-perijodu ta’ konverżjoni stabbilit fil-punt 1.2.2 ta’ din il-Parti għat-tip tal-annimal ikkonċernat huwa itwal mill-perijodu ta’ konverżjoni għall-unità ta’ produzzjoni.

B’deroga mill-punt 1.4.3.1, fil-każ ta’ tali konverżjoni simultanja u matul il-perijodu ta’ konverżjoni tal-unità ta’ produzzjoni, l-annimali preżenti f’din l-unità ta’ produzzjoni mill-bidu tal-perijodu ta’ konverżjoni jistgħu jintgħalfu b’għalf fil-fażi ta’ konverżjoni prodott fl-unità ta’ produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni matul l-ewwel sena ta’ konverżjoni u/jew b’għalf skont il-punt 1.4.3.1 u/jew b’għalf organiku.

L-annimali mhux organiċi jistgħu jiddaħħlu f’unità ta’ produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni wara l-bidu tal-perijodu ta’ konverżjoni skont il-punt 1.3.4.

1.2.2.   Il-perijodi ta’ konverżjoni speċifiċi għat-tip ta’ produzzjoni tal-annimal huma stabbiliti kif ġej:

(a)

12-il xahar fil-każ ta’ annimali bovini u annimali ekwini għall-produzzjoni tal-laħam, u f’kull każ mhux inqas minn tliet kwarti minn ħajjithom;

(b)

sitt xhur fil-każ ta’ annimali ovini, annimali kaprini u annimali porċini u annimali għall-produzzjoni tal-ħalib;

(c)

10 ġimgħat għal tjur għall-produzzjoni tal-laħam, ħlief għall-papri ta’ Peking, li jkunu ddaħħlu qabel ma kellhom tlett ijiem;

(d)

seba’ ġimgħat għall-papri ta’ Peking li jkunu ddaħħlu qabel ma kellhom tlett ijiem;

(e)

sitt ġimgħat fil-każ ta’ tjur għall-produzzjoni tal-bajd li jkunu ddaħħlu qabel ma kellhom tlett ijiem;

(f)

12-il xahar għan-naħal.

Matul il-perijodu ta’ konverżjoni x-xama’ għandu jkun sostitwit b’xama’ li jkun ġej minn trobbija tan-naħal organiku.

Madankollu, xama’ mhux organika tista’ tintuża:

(i)

fejn ix-xama’ minn trobbija tan-naħal organika ma tkunx disponibbli fis-suq;

(ii)

fejn ikun pruvat li huwa ħieles mill-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika; u

(iii)

dment li jkun ġej mill-operculum;

(g)

tliet xhur għal fniek;

(h)

12-il xahar għal annimali ċervini.

1.3.   L-oriġini tal-annimali

1.3.1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-konverżjoni, il-bhejjem organiċi għandhom jitwieldu jew jitfaqqsu u jitrabbew f’unitajiet ta’ produzzjoni organika.

1.3.2.   Rigward it-tnissil tal-annimali organiċi:

(a)

ir-riproduzzjoni għandha ssir b’metodi naturali; madanakollu, tista’ tintuża l-inseminazzjoni artifiċjali għandha tkun permessa;

(b)

ir-riproduzzjoni ma għandhiex titħaffef jew tkun imfixkla permezz ta’ trattament b’ormoni jew sustanzi oħra b’effett simili, ħlief bħala forma ta’ trattament veterinarju terapewtiku fil-każ ta’ annimal individwali;

(c)

ma għandhomx jintużaw forom oħra ta’ riproduzzjoni artifiċjali, bħall-ikklonjar u t-trasferimenti tal-embrijuni;

(d)

l-għażla tar-razez għandha tkun adatta għall-prinċipji tal-produzzjoni organika, għandha tiżgura standard għoli tat-trattament tal-annimali u għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ kwalunkwe tbatija u biex tkun evitata l-ħtieġa ta’ mutilazzjoni tal-annimali.

1.3.3.   Meta jagħżlu r-razez u l-varjetajiet, l-operaturi għandhom jikkunsidraw li jagħtu preferenza lil varjetajiet jew razez bi grad għoli ta’ diversità ġenetika, il-kapaċità tal-annimali li jadattaw għall-kundizzjonijiet lokali, il-valur tat-tnissil tagħhom, it-tul tal-ħajja tagħhom, il-vitalità tagħhom u r-reżistenza tagħhom għall-mard jew problemi tas-saħħa, kollha mingħajr ħsara għall-benessri tagħhom. Barra minn hekk, l-għażla ta’ razez jew varjetajiet ta’ annimali għandha ssir bl-għan li jiġi evitat mard speċifiku jew problemi tas-saħħa assoċjati ma’ xi varjetajiet jew razez li jintużaw fil-produzzjoni intensiva, bħas-sindrome tal-istress tal-qżieqeż, li jistgħu jwasslu għal laħam pallidu, artab, inixxi (PSE), mewt f’daqqa, abort spontanju u twelid diffiċli li jkun jeħtieġ operazzjoni ċesarja. Għandha tingħata preferenza lil varjetajiet u razez indiġeni.

Biex jagħżlu varjetajiet u razez f’konformità mal-ewwel paragrafu, l-operaturi għandhom jużaw l-informazzjoni disponibbli fis-sistemi msemmija fl-Artikolu 26(3).

1.3.4.   L-użu ta’ annimali mhux organiċi

1.3.4.1.   B’deroga mill-punt 1.3.1, għall-finijiet ta’ tnissil, annimali li ma jkunux imrobbija b’mod organiku jistgħu jiddaħħlu f’unità ta’ produzzjoni organika meta jkun hemm il-periklu li r-razez jintilfu għall-biedja kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 28(10) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u l-atti adottati fuq il-bażi tiegħu. F’tali każ, l-annimali ta’ dawk ir-razez mhux neċessarjament ikunu qatt ma welldu.

1.3.4.2.   B’deroga mill-punt 1.3.1, għar-rinnovazzjoni tal-ġarer tan-naħal, 20 % fis-sena tal-irġejjen tan-naħal u tal-frieħ tan-naħal jistgħu jiġu sostitwiti bi rġejjen tan-naħal u frieħ tan-naħal li mhumiex organiċi fl-unità ta’ produzzjoni organika, dment li l-irġejjen tan-naħal u l-frieħ tan-naħal jitqiegħdu f’doqqajs fejn ix-xehda jew il-folji tax-xehda jkunu ġejjin minn unitajiet ta’ produzzjoni organika. Fi kwalunkwe każ, ferħ naħal wieħed jew reġina tan-naħal waħda tista’ tinbidel kull sena b’ferħ naħal mhux organiku jew reġina tan-naħal mhux organika.

1.3.4.3.   B’deroga mill-punt 1.3.1, fejn qatgħa tiġi kostitwita għall-ewwel darba, jew hija mġedda jew rikostitwita, u fejn il-ħtiġijiet kwalitattivi u kwantitattivi tal-bdiewa ma jistgħux jintlaħqu, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tjur imrobbija b’mod mhux organiku jistgħu jinġiebu fl-unità ta’ produzzjoni ta’ tjur organiċi, dment li l-għawwietaq għall-produzzjoni tal-bajd u t-tjur għall-produzzjoni tal-laħam ikollhom inqas minn tlett ijiem. Prodotti derivati minnhom jistgħu jitqiesu bħala organiċi biss jekk il-perijodu ta’ konverżjoni speċifikat f’punt 1.2 ikun ġie osservat.

1.3.4.4.   B’deroga mill-punt 1.3.1, fejn id-data miġbura fis-sistema msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 26(2) turi li l-ħtiġijiet kwalitattivi jew kwantitattivi tal-bidwi fir-rigward tal-annimali organiċi ma jkunux intlaħqu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta’ annimali mhux organiċi f’unità ta’ produzzjoni organika, soġġett għall-kondizzjonijiet previsti fil-punti 1.3.4.4.1 sa 1.3.4.4.4.

Qabel ma ssir it-talba għal kwalunkwe deroga bħal din, il-bidwi għandu jikkonsulta d-data miġbura fis-sistema msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 26(2) sabiex jivverifika jekk it-talba tiegħu hijiex ġustifikata.

Għall-operaturi f’pajjiżi terzi, l-awtoritajiet ta’ kontroll u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni ta’ annimali mhux organiċi f’unità tal-produzzjoni organika fejn ma jkunux disponibbli annimali organiċi fi kwalità jew kwantità suffiċjenti fit-territorju tal-pajjiż fejn jinsab l-operatur.

1.3.4.4.1.

Għall-finijiet ta’ tnissil, annimali żgħar mhux organiċi jistgħu jiġu introdotti meta tiġi kkostitwita merħla jew qatgħa għall-ewwel darba. Dawn għandhom jitrabbew skont ir-regoli ta’ produzzjoni organika immedjatament wara li jkunu miftuma. Barra min hekk, ir-restrizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw fid-data li fiha dawk l-annimali jidħlu fil-merħla jew qatgħa:

(a)

annimali bovini, annimali ekwini, u annimali ċervini għandu jkollhom inqas minn sitt xhur;

(b)

annimali ovini u annimali kaprini għandu jkollhom inqas minn 60 jum;

(c)

annimali porċini għandhom jiżnu inqas minn 35 kg;

(d)

il-fniek għandu jkollhom inqas minn tliet xhur.

1.3.4.4.2.

Għall-finijiet ta’ tnissil, annimali adulti maskili mhux organiċi u annimali femminili mhux organiċi li qatt ma welldu jistgħu jiġu introdotti għat-tiġdid ta’ merħla jew qatgħa. Sussegwentement dawn għandhom jitrabbew skont ir-regoli tal-produzzjoni organika. Barra minn hekk, in-numru ta’ annimali femminili għandu jkun soġġett għar-restrizzjonijiet li ġejjin kull sena:

(a)

jistgħu jiġu introdotti sa massimu ta’ 10 % tal-annimali ekwini jew annimali bovini adulti u 20 % tal-annimali porċini, annimali ovini, annimali kaprini, fniek jew annimali ċervini adulti;

(b)

għall-unitajiet b’inqas minn 10 annimali ekwini, annimali ċervini jew annimali bovini jew fniek, jew b’inqas minn ħames annimali porċini, annimali ovini jew annimali kaprini, kwalunkwe tali tiġdid għandu jkun limitat għal massimu ta’ annimal wieħed fis-sena.

1.3.4.4.3.

Il-perċentwali ffissati fil-punt 1.3.4.4.2 jistgħu jiżdiedu b’sa 40 %, dment li l-awtorità kompetenti tkun ikkonfermat li xi waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tkun ġiet issodisfata:

(a)

tkun saret estensjoni kbira lir-razzett;

(b)

razza waħda tkun ġiet sostitwita b’razza oħra;

(c)

tkun bdiet speċjalizzazzjoni ġdida ta’ bhima.

1.3.4.4.4.

Fil-każijiet imsemmija fil-punti 1.3.4.4.1, 1.3.4.4.2 sa 1.3.4.4.3, annimali mhux organiċi jistgħu biss jitqiesu bħala organiċi jekk il-perijodu ta’ konverżjoni speċifikat fil-punt 1.2 ikun ġie osservat. Il-perijodu ta’ konverżjoni stabbilit fil-punt 1.2.2 għandu jibda mhux qabel id-data meta l-annimali jiġu introdotti fl-unità ta’ produzzjoni fil-fażi ta’ konverżjoni.

1.3.4.4.5.

Fil-każijiet imsemmijin fil-punti 1.3.4.4.1 sa 1.3.4.4.4, l-annimali mhux organiċi għandhom jinżammu separati minn bhejjem oħra jew għandhom jinżammu identifikabbli sa tmiem il-perijodu ta’ konverżjoni kollu msemmi fil-punt 1.3.4.4.4.

1.4.   Nutrizzjoni

1.4.1.   Rekwiżiti ġenerali tan-nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-għalf tal-bhejjem għandu jinkiseb primarjament mill-azjenda agrikola fejn jinżammu l-annimali jew għandu jinkiseb minn unitajiet ta’ produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni li jappartjenu lil azjendi oħrajn fl-istess reġjun;

(b)

il-bhejjem għandhom jintgħalfu b’għalf organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni li jissodisfa l-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-annimal fl-istadji varji tal-iżvilupp tiegħu; it-tagħlif ristrett mhuwiex permess fil-produzzjoni tal-bhejjem sakemm ma jkunx iġġustifikat għal raġunijiet veterinarji;

(c)

il-bhejjem ma għandhomx jinżammu f’kundizzjonijiet jew fuq dieta li jistgħu jinkoraġġixxu l-anemija;

(d)

il-prattiki tat-tismin għandhom dejjem jirrispettaw it-tendenzi nutrizzjonali normali għal kull speċi u l-benessri tal-annimali f’kull stadju tal-proċess tat-trobbija; it-tagħlif sfurzat huwa pprojbit;

(e)

bl-eċċezzjoni tal-annimali porċini, it-tjur u n-naħal„ il-bhejjem għandu jkollhom aċċess permanenti għall-mergħa kull meta jippermettu l-kundizzjonijiet jew għandu jkollhom aċċess permanenti għall-għalf oħxon;

(f)

ma għandhomx jintużaw promoturi tat-tkabbir u aċidi amminiċi sintetiċi;

(g)

l-annimali mhux miftumin għandhom preferibbilment jingħataw il-ħalib tal-omm għal perijodu minimu kif stipulat mill-Kummissjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 14(3); is-sostituti tal-ħalib li fihom sintetizzati bil-kimika jew komponenti li joriġinaw mill-pjanti m’għandhomx jintużaw matul dak il-perijodu;

(h)

materjali tal-għalf li joriġinaw mill-pjanti, l-alga, l-annimali jew il-ħmira għandhom ikunu organiċi;

(i)

materjali tal-għalf mhux organiċi li joriġinaw mill-pjanti, l-alga, l-annimali jew il-ħmira, materjali tal-għalf ta’ oriġini mikrobika jew minerali, addittivi tal-għalf, u għajnuniet għall-ipproċessar jistgħu jintużaw biss jekk ikunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika.

1.4.2.   Ir-ragħa

1.4.2.1.   Ragħa fuq art organika

Mingħajr preġudizzju għall-punt 1.4.2.2, l-annimali organiċi għandhom jirgħu fuq art organika. Madankollu, annimali mhux organiċi jistgħu jużaw mergħa organika għal perijodu limitat kull sena, dment li jkunu trabbew b’mod li jirrispetta l-ambjent fuq art appoġġata taħt l-Artikoli 23, 25, 28, 30, 31 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u li l-annimali mhux organiċi ma jkunux preżenti fl-art organika fl-istess ħin tal-annimali organiċi.

1.4.2.2.   Ir-ragħa fuq art komuni u t-transumanza

1.4.2.2.1.

L-annimali organiċi jistgħu jirgħu fuq art komuni, dment li:

(a)

l-art komuni ma tkunx ġiet ittrattata bi prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati għall-użu fil-produzzjoni organika għal mill-inqas tliet snin;

(b)

kull annimal mhux organiku li juża l-art komuni jkun trabba b’mod li jirrispetta l-ambjent fuq appoġġata taħt l-Artikoli 23, 25, 28, 30, 31 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c)

kull prodott tal-bhejjem minn annimali organiċi li ġew prodotti matul il-perijodu meta dawk l-annimali kienu jirgħu fuq l-art komuni ma jitqiesx bħala prodott organiku sakemm ma tkunx tista’ tiġi ppruvata segregazzjoni adegwata minn annimali mhux organiċi.

1.4.2.2.2.

Matul il-perijodu ta’ transumanza, l-annimali organiċi jistgħu jirgħu fuq art mhux organika meta jkunu qed jitmexxew, bil-pass, minn mergħa għal oħra. Matul dak il-perijodu, l-annimali organiċi għandhom jinżammu separati minn annimali oħra. Għandu jkun permess li l-annimali jieklu għalf mhux organiku fl-għamla ta’ ħaxix jew veġetazzjoni oħra tar-ragħa:

(a)

għal massimu ta’ 35 jum li jkopru kemm il-vjaġġ ’il barra kif ukoll il-vjaġġ tar-ritorn; jew

(b)

għal massimu ta’ 10 % tal-porzjon tal-għalf totali għal kull sena, ikkalkulat bħala perċentwal tal-materja niexfa ta’ prodotti tal-għalf ta’ oriġini agrikola.

1.4.3.   Għalf fil-fażi ta’ konverżjoni

1.4.3.1.   Għal azjendi agrikoli li jipproduċu bhejjem organiċi:

(a)

sa 25 % tal-proporzjon tal-formola tal-għalf bħala medja jista’ jkun magħmul minn għalf fil-fażi ta’ konverżjoni mit-tieni sena tal-konverżjoni. Dan il-perċentwal jista’ jiżdied għal 100 % jekk dan l-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni jiġi mill-azjenda fejn jinżammu l-bhejjem; u

(b)

sa 20 % tal-ammont medju totali tal-għalf mogħti lill-bhejjem jista’ joriġina mir-ragħa jew mill-ħsad ta’ mergħat permanenti, minn irqajja’ ta’ foraġġ perenni jew għelejjel tal-proteini miżrugħin skont ġestjoni organika f’artijiet li jkunu fl-ewwel sena tal-konverżjoni tagħhom, dment li dawk l-artijiet ikunu parti mill-istess azjenda.

Meta ż-żewġ tipi ta’ għalf fil-fażi ta’ konverżjoni msemmija fil-punti (a) u (b) ikunu qed jintużaw għat-tagħlif, il-perċentwal totali kkombinat ta’ dan l-għalf ma għandux jaqbeż il-perċentwal stabbilit fil-punt (a).

1.4.3.2.   Iċ-ċifri fil-punt 1.4.3.1 għandhom jiġu kkalkulati kull sena bħala perċentwal tal-materja niexfa ta’ għalf li joriġina mill-pjanti.

1.5.   Kura tas-saħħa

1.5.1.   Prevenzjoni tal-mard

1.5.1.1.   Il-prevenzjoni tal-mard għandha tkun ibbażata fuq l-għażla tal-varjetajiet u tar-razez, fuq il-prattiki ta’ ġestjoni tat-trobbija, fuq l-għalf ta’ kwalità tajba, fuq l-eżerċizzju, fuq id-densità tal-ħażna adatta u fuq il-kenn adegwat u xieraq miżmum f’kundizzjonijiet iġjeniċi.

1.5.1.2.   Jistgħu jintużaw prodotti mediċinali veterinarji immunoloġiċi.

1.5.1.3.   Il-prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi sintetizzati kimikament, inkluż l-antibijotiċi u l-boluses ta’ molekuli kimiċi allopatiċi sintetizzati, ma għandhomx jintuża għal trattament preventiv.

1.5.1.4.   Ma għandhomx jintużaw sustanzi li jippromwovu t-tkabbir jew il-produzzjoni (inkluż l-antibijotiċi, il-koċċidijostatiċi u għajnuniet artifiċjali oħra għall-iskop tal-promozzjoni tat-tkabbir) u ormoni u sustanzi simili għall-finijiet tal-kontroll tar-riproduzzjoni jew għal skopijiet oħra (eż. l-induzzjoni jew is-sinkronizzazzjoni tal-estru).

1.5.1.5.   Fejn il-bhejjem jinkisbu minn unitajiet ta’ produzzjoni li mhumiex organiċi, jistgħu japplikaw miżuri speċjali bħal testijiet ta’ skrinjar jew perijodi ta’ kwarantina, skont iċ-ċirkostanzi lokali.

1.5.1.6.   Huma biss dawk il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni f’binjiet u installazzjonijiet għall-bhejjem li huma awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

1.5.1.7.   Il-kennijiet, l-imqawel, it-tagħmir u l-aċċessorji għandhom jitnaddfu u jkunu diżinfettati tajjeb biex jiġu evitati infezzjonijiet minn wieħed għall-ieħor u ż-żieda tal-organiżmi li jġorru l-mard. Il-ħmieġ tal-annimali, l-awrina u l-għalf li ma jkunx ittiekel jew li jkun waqa’ għandhom jitneħħew kemm-il darba jkun hemm bżonn biex tonqos kemm jista’ jkun ir-riħa u ma jiġux attratti insetti jew rodituri. Ir-rodentiċidi, li għandhom jintużaw biss fin-nases, u prodotti u sustanzi awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika jistgħu jintużaw għall-eliminazzjoni ta’ insetti u pesti oħra f’binjiet u f’installazzjonijiet oħra fejn jinżammu l-bhejjem.

1.5.2.   It-trattament veterinarju

1.5.2.1.   Fejn annimali jimirdu jew iweġġgħu, minkejja miżuri preventivi biex tiġi żgurata s-saħħa tal-annimali, għandhom jingħataw kura minnufih.

1.5.2.2.   Il-mard għandu jiġi ttrattat minnufih biex kemm jista’ jkun l-annimal ma jsofrix. Prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi sintetizzati kimikament, inkluż l-antibijotiċi, jistgħu jintużaw fejn meħtieġ, f’kundizzjonijiet stretti u taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju, fejn ma jkunx addattat l-użu ta’ prodotti fitoterapewtiċi, omeopatiċi u oħrajn. B’mod partikolari, għandhom jiġu ddefiniti r-restrizzjonijiet rigward korsijiet ta’ trattament u perijodi tal-irtirar.

1.5.2.3.   Materjali tal-għalf ta’ oriġini minerali awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, addittivi nutrizzjonali awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, u l-prodotti fitoterapewtiċi u omeopatiċi għandhom jintużaw bi preferenza għat-trattament bi prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi sintetizzati kimikament, inkluż l-antibijotiċi, dment li l-effett terapewtiku tagħhom ikun effettiv għall-ispeċi ta’ annimal u għall-kundizzjoni li għaliha huwa maħsub it-trattament.

1.5.2.4.   Bl-eċċezzjoni tat-tilqim, ta’ trattamenti għall-parassiti u skemi obbligatorji ta’ eradikazzjoni, fejn annimal jew grupp ta’ annimali jirċievi iktar minn tliet korsijiet ta’ trattamenti bi prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi sintetizzati kimikament, inkluż l-antibijotiċi, fi żmien 12-il xahar, jew iktar minn kors wieħed ta’ trattament jekk iċ-ċiklu produttiv tal-ħajja tagħhom huwa ta’ inqas minn sena, la l-bhejjem ikkonċernati u lanqas il-prodotti dderivati minn tali bhejjem ma jistgħu jinbiegħu bħala prodotti organiċi, u l-bhejjem għandhom ikunu soġġetti għall-perijodi ta’ konverżjoni stabbiliti fil-punt 1.2.

1.5.2.5.   Il-perijodu tal-irtirar bejn l-aħħar amministrazzjoni lil annimal ta’ prodott mediċinali veterinarju allopatiku sintetizzat b’mod kimiku, inkluż ta’ antibijotiku, f’kundizzjonijiet ta’ użu normali, u l-produzzjoni ta’ prodotti tal-għalf iffabbrikati b’mod organiku minn dak l-annimal, għandu jkun id-doppju tal-perijodu tal-irtirar imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/82/KE, u għandu jkun mill-inqas 48 siegħa.

1.5.2.6.   Għandhom ikunu permessi t-trattamenti marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, imposti abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.

1.6.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

1.6.1.   L-insulazzjoni, it-tisħin u l-ventilazzjoni tal-bini għandhom jiżguraw li ċ-ċirkolazzjoni tal-arja, il-livell tat-trab, it-temperatura, l-umdità relattiva tal-arja u l-konċentrazzjoni gassuża jinżammu f’limiti li ma jkunux ta’ ħsara għall-benessri tal-annimali. Il-bini għandu jkun jippermetti li jidħol ħafna dawl naturali.

1.6.2.   L-akkomodazzjoni tal-bhejjem m’għandhiex tkun obbligatorja f’żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi xierqa li jippermettu li l-annimali jgħixu barra. F’tali każijiet, l-annimali għandu jkollhom aċċess għal strutturi ta’ kenn jew postijiet fid-dell li jipproteġuhom minn kundizzjonijiet tat-temp ħżiena.

1.6.3.   Id-densità tal-ħażna fil-binjiet għandha tipprovdi għall-kumdità, il-benessri u l-ħtiġijiet speċifiċi għall-ispeċijiet tal-annimali u għandha tiddependi, b’mod partikolari, mill-ispeċi, ir-razza u l-età tal-annimali. Għandhom jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet tal-imġiba tal-annimali, li jiddependu b’mod partikolari mid-daqs tal-grupp u s-sess tal-annimali. Id-densità għandha tiżgura l-benessri tal-annimali billi dawn ikollhom biżżejjed spazju biex joqogħdu bilwieqfa b’mod naturali, biex jiċċaqilqu, biex jimteddu faċilment, biex iduru, biex jitnaddfu, biex joqogħdu f’kull pożizzjoni naturali u biex jagħmlu l-movimenti naturali kollha, bħal jitmattru u jfarfru ġwinħajhom.

1.6.4.   Il-wiċċ minimu għal żoni fuq ġewwa u fuq barra, u d-dettalji tekniċi marbuta mal-akkomodazzjoni, stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(3), għandu jiġi osservat.

1.6.5.   L-ispazji fil-miftuħ jistgħu jkunu parzjalment imsaqqfa. Il-verandi m’għandhomx jitqiesu bħala spazji fil-miftuħ.

1.6.6.   Id-densità totali tal-ħażna ma għandhiex taqbeż il-limitu ta’ 170 kg ta’ nitroġenu organiku għal kull ettaru tal-erja agrikola fis-sena.

1.6.7.   Biex tiġi ddeterminata d-densità tal-bhejjem xierqa msemmija fil-punt 1.6.6, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-unitajiet ta’ bhejjem ekwivalenti għal-limitu msemmi fil-punt 1.6.6, skont iċ-ċifri stabbiliti f’kull wieħed mir-rekwiżiti speċifiċi, għal kull tip ta’produzzjoni tal-annimali.

1.6.8.   Gaġeġ, kaxxi u pjattaformi ċatti biex jitrabbew il-bhejjem ma jistgħu jintużaw għall-ebda speċi ta’ bhejjem.

1.6.9.   Meta l-bhejjem jiġu trattati individwalment għal raġunijiet veterinarji, dawn għandhom jinżammu fi spazji b’art solida u għandhom jingħataw sodod tat-tiben jew sodod adatti. L-annimal irid jkun jista’ jdur mingħajr tbatija u jkun jista’ jimtedd komdu f’tulu mal-art.

1.6.10.   Bhejjem organiċi ma jistgħux jitrabbew f’maqjel fuq ħamrija mxarrba jew mistagħdra ħafna.

1.7.   Il-benessri tal-annimali

1.7.1.   Il-persuni kollha involuti fiż-żamma tal-annimali u fit-tqandil tagħhom waqt it-trasport jew il-qatla għandu jkollhom l-għarfien u l-ħiliet bażiċi meħtieġa fir-rigward tas-saħħa u l-benessri tal-annimali u għandhom ikunu ħadu taħriġ adegwat, kif meħtieġ b’mod partikolari mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (1) u r-Regolament Nru (KE) Nru 1099/2009 (2), sabiex jiġi żgurat li r-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu applikati kif suppost.

1.7.2.   Il-prattiki tat-trobbija, inkluż id-densitajiet tal-ħażna, u l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni, għandhom jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-iżvilupp, il-fiżjoloġija u l-etoloġija tal-annimali.

1.7.3.   Il-bhejjem għandu jkollhom aċċess permanenti għal spazji fil-miftuħ li jippermettu lill-annimali jieħdu l-eżerċizzju fiżiku, preferibbilment fil-mergħa, kull meta jippermettu l-kundizzjonijiet tat-temp u dawk staġjonali u l-istat tal-art, ħlief fejn ikunu ġew imposti restrizzjonijiet u obbligi marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni.

1.7.4.   L-għadd ta’ bhejjem għandu jkun limitat biex tiġi evitata r-ragħa eċċessiva, it-tgħaffiġ tal-ħamrija, l-erożjoni, u t-tniġġis ikkawżat mill-annimali jew mit-tixrid tad-demel tagħhom.

1.7.5.   L-irbit jew l-iżolament tal-bhejjem għandu jkun ipprojbit, ħlief fir-rigward ta’ annimali individwali għal perijodu limitat u sa fejn dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet veterinarji. L-iżolament tal-bhejjem jista’ biss ikun awtorizzat, u biss għal perijodu limitat, meta s-sigurtà tal-ħaddiema tkun fil-periklu jew għal raġunijiet tal-benessri tal-annimali. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-irbit tal-baqar fl-irziezet b’massimu ta’ 50 bhima (eskluż bhejjem ta’ età żgħira) fejn ma jkunx possibbli li jinżammu fi gruppi adattati għall-ħtiġijiet tal-imġiba tagħhom, dment li dawn ikollhom aċċess għall-mergħat matul il-perijodu tar-ragħa, u jkollhom aċċess għal spazji fil-miftuħ għall-inqas darbtejn fil-ġimgħa meta r-ragħa ma jkunx possibbli.

1.7.6.   It-tul taż-żmien tat-trasportazzjoni tal-bhejjem għandu jiġi minimizzat.

1.7.7.   Kwalunkwe tbatija, uġigħ jew sofferenza għandha tkun evitata u għandha tinżamm għall-minimu tul il-ħajja kollha tal-annimal, anki fil-ħin tal-qatla.

1.7.8.   Mingħajr preġudizzju għal żviluppi fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar it-trattament xieraq tal-annimali, qtugħ id-denb tan-nagħaġ, l-illimar tal-munqar li jsir fl-ewwel tlett ijiem tal-ħajja, u t-tneħħija tal-qrejjen jistgħu eċċezzjonalment ikunu permessi, iżda biss skont il-każ u biss fejn dawk il-prattiki jtejbu s-saħħa, il-benessri jew l-iġjene tal-bhejjem jew fejn is-sikurezza tal-ħaddiema altrimenti tkun f’periklu. It-tneħħija tal-qrejjen tista’ tkun permessa biss skont il-każ meta ttejjeb is-saħħa, il-benessri jew l-iġjene tal-bhejjem jew fejn s-sikurezza tal-ħaddiema altrimenti tkun fil-periklu. L-awtorità kompetenti għandha biss tawtorizza tali operazzjonijiet fejn l-operatur ikun debitament nnotifika u ġġustifika operazzjonijiet lil dik l-awtorità kompetenti u fejn l-operazzjoni tkun ser titwettaq minn persunal kwalifikat.

1.7.9.   Kull tbatija tal-annimali għandha titnaqqas kemm jista’ jkun billi jintużaw l-anestesija u/jew l-analġeżija adegwati u billi kull operazzjoni ssir biss fl-aktar età adattata minn persunal kwalifikat.

1.7.10.   Il-kastrazzjoni fiżika għandha tkun permessa biex tinżamm il-kwalità tal-prodotti u tal-prattiki tradizzjonali tal-produzzjoni, iżda skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 1.7.9 biss.

1.7.11.   It-tagħbija u l-ħatt tal-annimali għandhom isiru mingħajr l-użu ta’ ebda tip ta’ stimolazzjoni elettrika jew stimolazzjoni oħra li tweġġa’ li tisforza lill-annimali jiċċaqilqu. L-użu ta’ kalmanti allopatiċi, qabel jew matul it-trasport, għandu jkun ipprojbit.

1.8.   Preparazzjoni ta’ prodotti mhux proċessati

Jekk l-operazzjonijiet tal-preparazzjoni bl-eċċezzjoni tal-ipproċessar jitwettqu fuq bhejjem, ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.5 u 2.2.3 tal-Parti IV għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tali operazzjonijiet.

1.9.   Regoli ġenerali addizzjonali

1.9.1.   Għal annimali bovini, annimali ovini, annimali kaprini u annimali ekwini

1.9.1.1.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas 60 % tal-għalf għandu joriġina mir-razzett stess jew, jekk dan ma jkunx fattibbli jew tali għalf ma jkunx disponibbli, għandu jkun prodott b’kooperazzjoni ma’ unitajiet tal-produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni oħrajn, u ma’ operaturi oħra tal-għalf li jużaw għalf u materjal tal-għalf mill-istess reġjun. Dan il-perċentwal għandu jittella’ għal 70 % mill-1 ta’ Jannar 2023;

(b)

l-annimali għandu jkollhom aċċess għall-mergħa kull meta jippermettu l-kundizzjonijiet;

(c)

minkejja l-punt (b), l-annimali bovini maskili ta’ iktar minn sena għandu jkollhom aċċess għal mergħa jew għal spazju fil-miftuħ;

(d)

fejn l-annimali għandhom aċċess għal mergħa matul il-perijodu tar-ragħa u meta s-sistema ta’ akkomodazzjoni għax-xitwa tippermetti lill-annimali jiċċaqilqu liberament, l-obbligu li jingħataw spazji fil-miftuħ matul ix-xhur tax-xitwa jista’ jitneħħa;

(e)

is-sistemi tat-trobbija għandhom ikunu bbażati fuq l-użu massimu ta’ mergħat, b’referenza għad-disponibbiltà tal-mergħat f’perijodi differenti tas-sena;

(f)

mill-inqas 60 % tal-materjal niexef fil-porzjonijiet ta’ kuljum għandu jikkonsisti minn għalf oħxon, magħlef frisk jew imnixxef, jew silaġġ. Dan il-perċentwal jista’ jitnaqqas għal 50 % għal annimali fil-produzzjoni tal-ħalib għal perijodu massimu ta’ tliet xhur fiż-żmien bikri tat-treddigħ.

1.9.1.2.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-akkomodazzjoni għandu jkollha art lixxa, iżda li ma tkunx tiżloq;

(b)

l-akkomodazzjoni għandu jkun fiha żona komda, nadifa u niexfa, ta’ daqs suffiċjenti biex l-annimali jkunu jistgħu jimteddu jew jistrieħu, li għandha tikkonsisti minn struttura sħiħa mhux pjanċi. Għandu jkun hemm biżżejjed materjal niexef tal-mifrex għall-art fiż-żona tal-mistrieħ. Il-mifrex għandu jkun tiben jew materjal naturali adatt ieħor. Il-mifrex jista’ jittejjeb u jiġi arrikkit bi kwalunkwe prodott minerali li jkun awtorizzat skont l-Artikolu 24 bħala fertilizzant jew kundizzjonatur tal-ħamrija għall-użu fil-produzzjoni organika;

(c)

minkejja l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u t-tieni subparagrafu tal-istess Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE (3), l-akkomodazzjoni ta’ għoġġiela f’kaxxi individwali għandha tkun ipprojbita wara l-età ta’ ġimgħa, jekk mhux għal annimali individwali għal perijodu limitat, u sa fejn din tkun iġġustifikata għal raġunijiet veterinarji;

(d)

meta għoġol jiġi ttrattat individwalment għal raġunijiet veterinarji, dan għandu jinżamm fi spazji li jkollhom art solida u li għandha tkun miksija bit-tiben. L-annimal għandu jkun jista’ jdur mingħajr tbatija u jkun jista’ jimtedd komdu f’tulu mal-art.

1.9.2.   Għal annimali ċervini

1.9.2.1.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas 60 % tal-għalf għandu joriġina mir-razzett stess jew, jekk dan ma jkunx fattibbli jew tali għalf ma jkunx disponibbli, għandu jkun prodott b’kooperazzjoni ma’ unitajiet tal-produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni oħrajn, u ma’ operaturi oħra tal-għalf li jużaw għalf u materjal tal-għalf mill-istess reġjun. Dan il-perċentwal għandu jittella’ għal 70 % mill-1 ta’ Jannar 2023;

(b)

l-annimali għandu jkollhom aċċess għall-mergħa kull meta jippermettu l-kundizzjonijiet;

(c)

fejn l-annimali għandhom aċċess għal mergħa matul il-perijodu tar-ragħa u meta s-sistema ta’ akkomodazzjoni għax-xitwa tippermetti lill-annimali jiċċaqilqu liberament, l-obbligu li jingħataw spazji fil-miftuħ matul ix-xhur tax-xitwa jista’ jitneħħa;

(d)

is-sistemi tat-trobbija għandhom ikunu bbażati fuq l-użu massimu ta’ mergħat b’referenza għad-disponibbiltà tal-mergħat f’perijodi differenti tas-sena;

(e)

mill-inqas 60 % tal-materjal niexef fil-porzjonijiet għandu jikkonsisti minn għalf oħxon, magħlef frisk jew imnixxef, jew silaġġ. Dan il-perċentwal jista’ jitnaqqas għal 50 % għal annimali ċervini femminili fil-produzzjoni tal-ħalib għal perijodu massimu ta’ tliet xhur fiż-żmien bikri tat-treddigħ;

(f)

ir-ragħa naturali għandu jiġi żgurat f’maqjel matul il-perijodu tal-veġetazzjoni. Imqawel li ma jistgħux jipprovdu għalf permezz tar-ragħa matul il-perijodu tal-veġetazzjoni m’għandhomx ikunu permessi;

(g)

l-għalf għandu jkun permess biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ ragħa minħabba kundizzjonijiet ħżiena tat-temp;

(h)

l-annimali mrobbija f’maqjel għandhom jingħataw ilma nadif u frisk. Jekk mhux disponibbli sors naturali ta’ ilma faċilment aċċessibbli għall-annimali, dawn għandhom jiġu pprovduti b’postijiet għat-tisqija.

1.9.2.2.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward tal-akkomodazzjoni l-prattiki u t-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-annimali ċervini għandu jkollhom postijiet fejn jistaħbew, imkejjen kennija u ċnut li ma jweġġgħux lill-annimali;

(b)

fl-imqawel għaċ-ċriev ħomor, l-annimali għandhom ikunu jistgħu jinqalbu fit-tajn sabiex jiżguraw it-tindif tal-pil u l-kontroll tat-temperatura tal-ġisem;

(c)

kwalunkwe akkomodazzjoni għandu jkollha art lixxa iżda ma tkunx tiżloq;

(d)

kwalunkwe akkomodazzjoni għandu jkun fiha żona komda, nadifa u niexfa, ta’ daqs suffiċjenti biex l-annimali jkunu jistgħu jimteddu jew jistrieħu, li għandha tikkonsisti minn struttura sħiħa mhux pjanċi. Għandu jkun hemm biżżejjed materjal niexef tal-mifrex għall-art fiż-żona tal-mistrieħ. Il-mifrex għandu jkun tiben jew materjal naturali adatt ieħor. Il-mifrex jista’ jittejjeb u arrikkit bi kwalunkwe prodott minerali awtorizzat skont l-Artikolu 24 għall-produzzjoni organika bħala fertilizzant jew kundizzjonatur tal-ħamrija;

(e)

għandhom jiġu installati mxatar li jkunu protetti mit-temp u aċċessibbli kemm għall-annimali kif ukoll għall-persuni li jieħdu ħsiebhom. Il-ħamrija fejn jinsabu l-imxatar għandha tkun imbattma, u t-tagħmir għall-għalf għandu jkun mgħammar b’saqaf;

(f)

jekk ma jkunx jista’ jiġi żgurat aċċess permanenti għall-għalf, l-imxatar għandhom jitfasslu b’tali mod li l-annimali kollha jkunu jistgħu jieklu fl-istess ħin.

1.9.3.   Għal annimali porċini

1.9.3.1.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas 30 % tal-għalf għandu joriġina mir-razzett stess jew, jekk dan ma jkunx fattibbli jew tali għalf ma jkunx disponibbli, għandu jkun prodott f’kooperazzjoni ma’ operaturi tal-għalf ta’ jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni oħrajn li jużaw għalf u materjal tal-għalf mill-istess reġjun;

(b)

għalf oħxon, magħlef frisk jew imnixxef, jew silaġġ għandhom jinżiedu mal-porzjonijiet ta’ kuljum;

(c)

fejn il-bdiewa ma jkunux jistgħu jakkwistaw għalf tal-proteini li jkun ġej esklużivament mill-produzzjoni organika, u l-awtorità kompetenti tkun ikkonfermat li l-għalf tal-proteini organiku mhuwiex disponibbli fi kwantità suffiċjenti, jista’ jintuża għalf tal-proteini mhux organiku sal-31 ta’ Diċembru 2025 dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ma jkunx disponibbli f’forma organika;

(ii)

ikun prodott u ppreparat mingħajr solventi kimiċi;

(iii)

l-użu tiegħu jkun limitat għall-għalf tal-qżieqeż sa 35 kg b’komposti tal-proteini speċifiċi; u

(iv)

il-perċentwal massimu awtorizzat għal kull perijodu ta’ 12-il xahar għal dawk l-annimali ma jaqbiżx il-5 %. Il-perċentwal tal-materjal niexef tal-għalf minn oriġini agrikola għandu jiġi kkalkulat.

1.9.3.2.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-akkomodazzjoni għandu jkollha art lixxa iżda li ma tkunx tiżloq;

(b)

l-akkomodazzjoni għandu jkun fiha żona komda, nadifa u niexfa ta’ daqs suffiċjenti biex l-annimali jkunu jistgħu jimteddu jew jistrieħu, li għandha tikkonsisti minn struttura sħiħa mhux pjanċi. Għandu jkun hemm biżżejjed materjal niexef tal-mifrex għall-art fiż-żona tal-mistrieħ. Il-mifrex għandu jkun tiben jew materjal naturali adatt ieħor. Il-mifrex jista’ jittejjeb u jiġi arrikkit bi kwalunkwe prodott minerali awtorizzat skont l-Artikolu 24 għall-produzzjoni organika bħala fertilizzant jew kundizzjonatur tal-ħamrija;

(c)

għandu dejjem ikun hemm sodda magħmula minn tiben jew minn materjal ieħor adatt li tkun kbira biżżejjed sabiex jiġi żgurat li l-ħnieżer kollha li jinsabu f’maqjel ikunu jistgħu jimteddu fl-istess ħin fl-ikbar spazju possibbli;

(d)

il-ħnieżer tal-għalla għandhom jinżammu fi gruppi, minbarra fl-aħħar stadji tat-tqala u matul il-perijodu tat-treddigħ, li matulu, il-ħanżira għandha tkun tista’ tiċċaqlaq liberament fil-maqjel tagħha u l-moviment tagħha għandu jkun ristrett biss għal perijodi qosra;

(e)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għat-tiben, ftit jiem qabel it-tifrigħ tal-qżieqeż, il-ħnieżer tal-għalla għandhom jingħataw kwantità suffiċjenti ta’ tiben jew materjal naturali adatt ieħor li jippermettilhom jibnu l-bejtiet;

(f)

iż-żoni għall-eżerċizzju għandhom jippermettu li l-annimali porċini jħammġu u jħaffru. Għall-finijiet ta’ tħaffir, jistgħu jintużaw sottostrati differenti.

1.9.4.   Għat-tjur

1.9.4.1.   Oriġini tal-annimali

Sabiex jiġi evitat l-użu ta’ metodi ta’ trobbija intensivi, it-tjur jew għandhom jitrabbew sa età minima jew inkella għandhom ikunu minn varjetajiet ta’ tjur li jikbru bil-mod adattati għat-trobbija fil-miftuħ.

L-awtorità kompetenti għandha tiddefinixxi l-kriterji ta’ varjetajiet li jikbru bil-mod jew tfassal lista ta’ dawk il-varjetajiet u tipprovdi din l-informazzjoni lill-operaturi, lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Meta l-bidwi ma jużax varjetajiet ta’ tjur li jikbru bil-mod, l-età minima għall-qatla għandha tkun kif ġej:

(a)

81 jum għat-tiġieġ;

(b)

150 jum għall-ħosien;

(c)

49 jum għall-papri ta’ Peking;

(d)

70 jum għall-papri tal-mustaċċ aħmar nisa;

(e)

84 jum għall-papri tal-mustaċċ aħmar irġiel;

(f)

92 jum għall-kuluverti;

(g)

94 jum għall-farawni;

(h)

140 jum għad-dundjani rġiel u għall-wiżż tax-xiwi fil-forn; u

(i)

100 jum għad-dundjani nisa.

1.9.4.2.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas 30 % tal-għalf għandu joriġina mir-razzett stess jew, jekk dan ma jkunx fattibbli jew tali għalf ma jkunx disponibbli, għandu jkun prodott f’kooperazzjoni ma’ operaturi tal-għalf ta’ jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni oħrajn li jużaw għalf u materjal tal-għalf mill-istess reġjun;

(b)

mal-porzjonijiet ta’ kuljum għandhom jinżiedu l-għalf oħxon, il-magħlef frisk jew imnixxef, jew is-silaġġ;

(c)

fejn il-bdiewa ma jkunux jistgħu jakkwistaw għalf tal-proteini għall-annimali porċini li jkun ġej esklużivament mill-produzzjoni organika, u l-awtorità kompetenti tikkonferma li l-għalf tal-proteini organiku mhuwiex disponibbli fi kwantità suffiċjenti, jista’ jintuża għalf tal-proteini mhux organiku sal-31 ta’ Diċembru 2025, dment li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

ma jkunx disponibbli f’forma organika;

(ii)

ikun prodott u ppreparat mingħajr solventi kimiċi;

(iii)

l-użu tiegħu jkun limitat għall-għalf ta’ tjur żgħar fl-età b’komposti tal-proteini speċifiċi; u

(iv)

il-perċentwal massimu awtorizzat għal kull perijodu ta’ 12-il xahar għal dawk l-annimali ma jaqbiżx il-5 %. Il-perċentwal tal-materjal niexef tal-għalf ta’ oriġini agrikola għandu jiġi kkalkulat.

1.9.4.3.   Trattament xieraq tal-annimali

It-tnittif ta’ tjur ħajjin għandu jkun ipprojbit.

1.9.4.4.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas terz tal-wiċċ tal-art għandu jkun sħiħ, jiġifieri mhux magħmul minn pjanċi fi strixxi jew gradilja, u għandu jkun miksi b’mifrex ta’ tiben, ċana, ramel jew ħaxix, fost oħrajn;

(b)

fl-akkomodazzjonijiet għal tiġieġ tal-bajd, għandu jkun hemm parti mill-art disponibbli għat-tiġieġ li tkun kbira biżżejjed biex fiha jinġabar il-ħmieġ tat-tjur;

(c)

il-binjiet għandhom jitbattlu mill-annimali bejn kull lott ta’ tjur imrobbi. Il-binjiet u l-armar għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati matul dan iż-żmien. Barra minn hekk, meta t-trobbija ta’ kull lott ta’ tjur tkun lesta, il-gallinari fil-miftuħ għandhom jitħallew battala għal perijodu li jiġi stabbilit mill-Istati Membri, sabiex il-veġetazzjoni titħalla terġa’ tikber. Dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw meta t-tjur ma jitrabbewx f’lottijiet, ma jinżammux f’gallinari fil-miftuħ u huma liberi li jimirħu matul il-jum;

(d)

it-tjur għandu jkollhom aċċess għal spazju fil-miftuħ għal mill-inqas terz minn ħajjithom. Madankollu, it-tiġieġ tal-bajd u t-tjur imsemmna għandu jkollhom aċċess għal spazju fil-miftuħ għal mill-inqas terz minn ħajjithom, minbarra fejn restrizzjonijiet temporanji jkunu ġew imposti abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

(e)

it-tjur għandu jkollhom aċċess kontinwu matul il-jum minn kemm jista’ jkun kmieni f’ħajjithom u kull meta l-kundizzjonijiet fiżjoloġiċi u fiżiċi jkunu jippermettu, ħlief fejn ikunu ġew imposti restrizzjonijiet temporanji abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

(f)

b’deroga mill-punt 1.6.5, fil-każ ta’ tjur għat-tnissil u għawwietaq ta’ taħt it-18-il ġimgħa, meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet speċifikati fil-punt 1.7.3 fir-rigward tar-restrizzjonijiet u l-obbligi marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali imposti abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni u li ma jħallux li t-tjur għat-tnissil u l-għawwietaq ta’ taħt it-18-il ġimgħa jkollhom aċċess għal spazji fil-miftuħ, il-verandi għandhom jitqiesu bħala spazji fil-miftuħ u, f’tali każijiet, għandhom ikunu magħluqa b’xibka li ma tħallix għasafar oħra jidħlu;

(g)

l-ispazji fil-miftuħ għat-tjur għandhom jippermettu li t-tjur jaċċessaw faċilment għadd xieraq ta’ ħwat tal-ilma;

(h)

l-ispazji fil-miftuħ għat-tjur għandhom ikunu miksija prinċipalment bil-veġetazzjoni;

(i)

f’kundizzjonijiet fejn l-għalf ipprovdut mill-ispazju tat-trobbija jkun limitat, pereżempju, minħabba kisja borra fit-tul jew nixfa, għandu jiġi inkluż suppliment ta’ għalf oħxon bħala parti mill-ikel tat-tjur;

(j)

meta t-tjur jinżammu ġewwa minħabba restrizzjonijiet jew obbligi imposti abbażi ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni, dawn għandu jkollhom aċċess permanenti għal kwantitajiet suffiċjenti ta’ għalf oħxon u materjal adatt biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet etoloġiċi tagħhom;

(k)

it-tjur tal-ilma għandu jkollhom aċċess għal nixxiegħa, vaska, lag jew għadira kull meta jippermettu t-temp u l-kundizzjonijiet tal-iġjene, biex ikunu rispettati l-ħtiġiet speċifiċi tal-ispeċi tagħhom u r-rekwiżiti għall-benessri tal-annimali; meta t-temp ma jippermettix tali aċċess, dawn għandu jkollhom aċċess għal biżżejjed ilma li jkunu jistgħu jgħaddsu rashom ġo fih biex ikunu jistgħu jaħslu rixhom;

(l)

id-dawl naturali jista’ jiġi ssupplimentat b’mezzi artifiċjali biex ikun hemm massimu ta’ 16-il siegħa dawl kuljum, b’perijodu notturn kontinwu ta’ mistrieħ mingħajr dawl artifiċjali ta’ mill-inqas tmien sigħat;

(m)

l-erja totali taż-żona għat-tismin tat-tjur fl-akkomodazzjonijiet tat-tjur ta’ kwalunkwe unità tal-produzzjoni m’għandhiex taqbeż l-1 600 m2;

(n)

m’għandux ikun permess li jkun hemm aktar minn 3 000 tiġieġa tal-bajd f’kompartiment uniku ta’ akkomodazzjoni tat-tjur.

1.9.5.   Għal fniek

1.9.5.1.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

mill-inqas 70 % tal-għalf għandu joriġina mir-razzett stess jew, jekk dan ma jkunx fattibbli jew jekk tali għalf ma jkunx disponibbli, għandu jkun prodott f’kooperazzjoni ma’ unitajiet tal-produzzjoni organika jew fil-fażi ta’ konverżjoni oħrajn, u ma’ operaturi tal-għalf oħrajn li jużaw għalf u materjal tal-għalf mill-istess reġjun;

(b)

il-fniek għandu jkollhom aċċess għall-mergħa kull meta l-kundizzjonijiet ikunu jippermettu;

(c)

is-sistemi tat-trobbija għandhom ikunu bbażati fuq l-użu massimu ta’ mergħat b’referenza għad-disponibbiltà tal-mergħat f’perijodi differenti tas-sena;

(d)

għandu jingħata għalf fibruż bħal tiben jew ħuxlief meta l-ħaxix ma jkunx biżżejjed. Il-foraġġ għandu jagħmel mill-inqas 60 % tad-dieta.

1.9.5.2.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-akkomodazzjoni għandu jkun fiha żona komda, nadifa u niexfa ta’ daqs suffiċjenti biex l-annimali jkunu jistgħu jimteddu jew jistrieħu, li għandha tikkonsisti minn struttura sħiħa mhux pjanċi. Għandu jkun hemm biżżejjed materjal niexef tal-mifrex għall-art fiż-żona tal-mistrieħ. Il-mifrex għandu jkun tiben jew materjal naturali adatt ieħor. Il-mifrex jista’ jittejjeb u jiġi arrikkit bi kwalunkwe prodott minerali awtorizzat skont l-Artikolu 24 għall-produzzjoni organika bħala fertilizzant jew kundizzjonatur tal-ħamrija;

(b)

il-fniek għandhom jinżammu fi gruppi.

(c)

l-irziezet tal-fniek għandhom jużaw razez b’saħħithom adattati għall-kundizzjonijiet tal-beraħ;

(d)

il-fniek għandu jkollhom aċċess għal:

(i)

kenn mgħotti li jinkludi mkejjen fejn jinħbew fid-dlam;

(ii)

spazju b’veġetazzjoni fil-miftuħ, preferibbilment mergħa;

(iii)

pjattaforma mgħollija li fuqha jistgħu jpoġġu, kemm ġewwa kif ukoll barra;

(iv)

materjal għall-bejta għall-fenkiet kollha li jkunu qed ireddgħu.

1.9.6.   Għan-naħal

1.9.6.1.   Oriġini tal-annimali

Għat-trobbija tan-naħal, għandha tingħata preferenza lill-użu ta’ Apis mellifera u l-ekotipi lokali tagħhom.

1.9.6.2.   Nutrizzjoni

Rigward in-nutrizzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

fi tmiem l-istaġun tal-produzzjoni, id-doqqajs għandu jitħalla b’riżervi suffiċjenti ta’ għasel u trab tad-dakra għan-naħal biex iwassal sa tmiem ix-xitwa;

(b)

il-kolonji tan-naħal jistgħu jintgħalfu biss fejn is-sopravivenza tal-kolonja tkun fil-periklu minħabba kundizzjonijiet klimatiċi. F’tali każ, il-kolonji tan-naħal għandhom jintgħalfu b’għasel organiku, ġulepp taz-zokkor organiku jew zokkor organiku.

1.9.6.3.   Kura tas-saħħa

Rigward il-kura tas-saħħa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

għall-finijiet tal-protezzjoni tal-kaxxi tan-naħal, tad-doqqajs u tax-xehdiet, b’mod partikolari mill-pesti, għandhom ikunu permessi biss ir-rodentiċidi li jintużaw fin-nases, u prodotti u sustanzi xierqa awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika;

(b)

trattamenti fiżiċi għad-diżinfezzjoni tal-imġiebaħ, bħall-fwar jew fjamma diretta, għandhom ikunu permessi;

(c)

il-prattika tal-qerda tad-doqqajs tal-bgħula għandha tkun permessa biss għall-iskop tal-iżolazzjoni tal-infestazzjoni ta’ Varroa destructor;

(d)

jekk, minkejja l-miżuri preventivi kollha, il-kolonji jimirdu jew ikunu infestati, għandhom jiġu ttrattati minnufih, u, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jitqiegħdu f’imġiebaħ ta’ iżolament;

(e)

f’każijiet ta’ infestazzjoni ta’ Varroa destructor jistgħu jintużaw l-aċidu formiku, l-aċidu lattiku, l-aċidu aċetiku u l-aċidu ossaliku, kif ukoll il-mentol, it-timol, l-ewkaliptol jew il-ganfra;

(f)

jekk jiġi applikat trattament bi prodotti allopatiċi kimikament sintetizzati, inkluż l-antibijotiċi, minbarra prodotti u sustanzi awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, għad-durata ta-trattament, il-kolonji ttrattati għandhom jitqiegħdu f’imġiebaħ iżolati u x-xema’ kollha għandha tiġi sostitwita minn xema’ li tkun ġejja minn trobbija organika tan-naħal. Sussegwentement, għal dawk il-kolonji għandu japplika l-perijodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar stabbilit fil-punt 1.2.2.

1.9.6.4.   Trattament xieraq tal-annimali

Rigward it-trobbija tan-naħal, għandhom japplikaw ir-regoli ġenerali addizzjonali li ġejjin:

(a)

il-qerda tan-naħal fix-xehdiet bħala metodu assoċjat mal-ġbir tal-prodotti tal-apikultura għandha tkun ipprojbita;

(b)

il-mutilazzjoni bħall-qtugħ tal-ġwienaħ tal-irġejjen tan-naħal għandha tkun ipprojbita.

1.9.6.5.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-imġiebaħ għandhom jitqiegħdu f’żoni li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ nektar u trab tad-dakra li jikkonsistu essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew, fejn xieraq, minn veġetazzjoni spontanja jew foresti jew għelejjel ġestiti b’mod mhux organiku li jiġu ttrattati biss b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx;

(b)

l-imġiebaħ għandhom jinżammu ’l bogħod biżżejjed minn sorsi li jistgħu jwasslu għall-kontaminazzjoni tal-prodotti tal-apikultura jew li huma ta’ ħsara għas-saħħa tan-naħal;

(c)

l-għażla tas-sit tal-imġiebaħ għandha tkun tali li, f’radju ta’ 3 km mis-sit tal-miġbħa, is-sorsi ta’ nektar u tat-trab tad-dakra jikkonsistu essenzjalment minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew veġetazzjoni spontanja jew għelejjel ittrattati b’metodi li jkollhom impatt ambjentali baxx, ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 li ma jistgħux jaffettwaw il-kwalifika tat-trobbija tan-naħal bħala organika. Dak ir-rekwiżit ma japplikax meta ma jkunx żmien il-fjuri, jew meta l-kolonji tan-naħal ma jkunux attivi;

(d)

id-doqqajs u l-materjali li jintużaw fit-trobbija tan-naħal għandhom ikunu magħmula bażikament minn materjali naturali li ma jippreżentaw ebda riskju ta’ kontaminazzjoni għall-ambjent jew għall-prodotti tal-apikultura;

(e)

ix-xema’ tan-naħal għall-pedamenti ġodda għandha tiġi minn unitajiet tal-produzzjoni organika;

(f)

fid-doqqajs jistgħu jintużaw prodotti naturali biss, bħaż-żaftur, ix-xema’ u ż-żjut tal-pjanti;

(g)

sustanzi kimiċi sintetiċi repellenti ma għandhomx jintużaw matul l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni tal-għasel;

(h)

xehdiet bid-doqqajs ma għandhomx jintużaw għall-estrazzjoni tal-għasel;

(i)

it-trobbija tan-naħal ma għandhiex titqies bħala organika meta ssir f’reġjuni jew f’żoni li l-Istati Membri jidentifikaw bħala reġjuni jew żoni fejn ma tistax tiġi pprattikata t-trobbija organika tan-naħal.

Parti III: Ir-regoli tal-produzzjoni għall-alga u l-annimali tal-akkwakultura

1.   Rekwiżiti ġenerali

1.1.   L-operazzjonijiet għandhom jitwettqu f’postijiet li mhumiex soġġetti għall-kontaminazzjoni bi prodotti jew sustanzi li l-użu tagħhom mhux awtorizzat għall-użu fil-produzzjoni organika, jew bi tniġġis li jipperikola n-natura organika tal-prodotti.

1.2.   L-unitajiet tal-produzzjoni organika u mhux organika għandhom ikunu separati b’mod adegwat f’konformità mad-distanzi minimi tas-separazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri, fejn applikabbli. Tali miżuri ta’ separazzjoni għandhom jissejsu fuq il-qagħda naturali, is-sistemi separati tad-distribuzzjoni tal-ilma, id-distanzi, il-flussi tal-marea u kemm l-unità tal-produzzjoni organika tkun qrib l-għajn jew iktar ’il isfel fix-xmara. Il-produzzjoni tal-alga u l-akkwakultura ma għandhiex titqies bħala organika meta ssir f’postijiet jew f’żoni identifikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri bħala postijiet jew żoni li mhumiex adatti għal tali attivitajiet.

1.3.   Għal kwalunkwe operatur ġdid li japplika għall-produzzjoni organika u li jipproduċi iktar minn 20 tunnellata ta’ prodotti tal-akkwakultura fis-sena, għandha tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali li tkun adatta għall-unità tal-produzzjoni, biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet tal-unità tal-produzzjoni u tal-ambjent immedjat tagħha u l-effetti li l-operat tagħha x’aktarx li jkollu. L-operatur għandu jipprovdi l-valutazzjoni ambjentali lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll. Il-kontenut tal-valutazzjoni ambjentali għandu jkun ibbażat fuq l-Anness IV għad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Jekk l-unità tal-produzzjoni tkun diġà ġiet soġġetta għal valutazzjoni ekwivalenti, dik il-valutazzjoni tista’ tintuża għal dan il-fini.

1.4.   M’għandhiex tkun permessa l-qerda tal-mangrovji.

1.5.   L-operatur għandu jipprovdi pjan għal ġestjoni sostenibbli li jkun proporzjonat għall-unità tal-produzzjoni għall-ħsad tal-akkwakultura u tal-alga.

1.6.   Il-pjan għandu jkun aġġornat kull sena u għandu jagħti dettalji dwar l-effetti ambjentali tal-operat u l-monitoraġġ ambjentali li għandu jsir, u għandu jelenka l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi fuq l-ambjenti akkwatiċi u terrestri tal-madwar, inkluż, fejn applikabbli, it-tnixxija ta’ nutrijenti fl-ambjent għal kull ċiklu tal-produzzjoni jew fis-sena. Il-pjan għandu jirreġistra s-sorveljanza u t-tiswija tat-tagħmir tekniku.

1.7.   Il-miżuri difensivi u preventivi li jittieħdu kontra l-predaturi skont id-Direttiva 92/43/KEE u r-regoli nazzjonali għandhom jiġu rreġistrati fil-pjan għal ġestjoni sostenibbli.

1.8.   Fejn applikabbli, fit-tfassil tal-pjan ta’ ġestjoni, għandu jkun hemm koordinazzjoni mal-operaturi ġirien.

1.9.   Bħala parti mill-pjan għall-ġestjoni sostenibbli, l-operaturi tan-negozji tal-akkwakultura u tal-alga għandhom ifasslu skeda għat-tnaqqis tal-iskart li għandha tkun implimentata meta jinbdew il-ħidmiet. Fejn ikun possibbli, l-użu tas-sħana residwa għandu jkun limitat għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli.

1.10.   Preparazzjoni ta’ prodotti mhux proċessati

Jekk l-operazzjonijiet tal-preparazzjoni bl-eċċezzjoni tal-ipproċessar, jitwettqu fuq l-alga jew l-annimali tal-akkwakultura, ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti fil-punti 1.2, 1.3, 1.4, 1.5 u 2.2.3 tal-Parti IV għandhom japplikaw mutatis mutandis għat-tali operazzjonijiet.

2.   Rekwiżiti għall-alga

Minbarra r-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 11 u 15, u fejn ikun rilevanti, fit-Taqsima 1 ta’ din il-Parti, ir-regoli stabbiliti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-ġbir u l-produzzjoni organika tal-alga. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-produzzjoni tal-fitoplankton.

2.1.   Konverżjoni

2.1.1.   Il-perijodu ta’ konverżjoni għal unità ta’ produzzjoni għall-ġbir tal-alga għandu jkun ta’ sitt xhur.

2.1.2.   Il-perijodu ta’ konverżjoni għal unità ta’ produzzjoni għall-kultivazzjoni tal-alga għandu jkun perijodu ta’ sitt xhur jew ċiklu tal-produzzjoni wieħed sħiħ, skont liema jkun l-itwal.

2.2.   Regoli tal-produzzjoni għall-alga

2.2.1.   Il-ġbir tal-alga selvaġġa li tikber fil-baħar b’mod naturali, u ta’ partijiet minnha jitqies bħala metodu ta’ produzzjoni organika dment li:

(a)

iż-żoni tat-tkabbir huma adegwati mill-perspettiva tas-saħħa u huma ta’ status ekoloġiku għoli kif definit mid-Direttiva 2000/60/KE, jew huma ta’ kwalità ekwivalenti:

għaż-żoni ta’ produzzjoni kklassifikati bħala A u B fir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), sat-13 ta’ Diċembru 2019, jew

għaż-żoni ta’ klassifika korrispondenti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) 2017/625, mill-14 ta’ Diċembru 2019;

(b)

il-ġbir ma jaffettwax b’mod sinifikanti l-istabbiltà tal-ekosistema naturali jew l-ippreservar tal-ispeċijiet fiż-żona tal-ġbir.

2.2.2.   Il-kultivazzjoni tal-alga għandha ssir f’żoni mal-kosta b’karatteristiċi ambjentali u tas-saħħa tal-anqas ekwivalenti għal dawk deskritti fil-punt 2.2.1(a) biex tkun meqjusa bħala organika. Barra minn hekk, għandhom japplikaw ir-regoli tal-produzzjoni li ġejjin:

(a)

għandhom jintużaw prattiki sostenibbli fl-istadji kollha tal-produzzjoni, mill-ġbir tal-alga żgħira sal-ħsad;

(b)

biex ikun żgurat li tinżamm ġabra wiesgħa’ ta’ ġeni fil-popolazzjoni, il-ġbir mis-selvaġġ ta’ alga żgħira għandu jsir b’mod regolari sabiex tinżamm u tiżdied id-diversità tal-istokkijiet li jitkabbru ġewwa;

(c)

il-fertilizzanti ma għandhomx jintużaw, ħlief f’faċilitajiet ta’ ġewwa, u għandhom jintużaw biss jekk dawn ikunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika għal dan il-għan.

2.3.   Kultivazzjoni tal-alga

2.3.1.   Fit-tkabbir tal-alga fil-baħar għandhom jintużaw biss nutrijenti li jinsabu fl-ambjent b’mod naturali, jew li jkunu ġejjin mill-produzzjoni organika tal-annimali tal-akkwakultura, li preferibbilment ikunu jinstabu fil-qrib bħala parti minn sistema ta’ polikultura.

2.3.2.   F’faċilitajiet fuq l-art fejn jintużaw sorsi esterni ta’ nutrijenti, il-livelli tan-nutrijenti fl-ilma ħiereġ għandhom ikunu l-istess jew inqas mill-ilma li jkun dieħel fihom, b’mod li jista’ jkun ivverifikat. Jistgħu jintużaw biss nutrijenti ta’ oriġini veġetali jew minerali li jkunu awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika.

2.3.3.   Id-densità tat-tkabbir jew l-intensità operazzjonali għandha tiġi rreġistrata u għandha żżomm l-integrità tal-ambjent akkwatiku billi jkun żgurat li ma tinqabiżx il-kwantità massima ta’ alga li tista’ tiġi sostnuta mingħajr effetti negattivi fuq l-ambjent.

2.3.4.   Il-ħbula u kull tagħmir ieħor użat biex titkabbar l-alga għandhom jerġgħu jintużaw jew jiġu rriċiklati fejn ikun possibbli.

2.4.   Ġbir sostenibbli tal-alga selvaġġa

2.4.1.   Għandha ssir stima ta’ darba tal-bijomassa fil-bidu tal-ġbir tal-alga.

2.4.2.   Għandhom jinżammu kontijiet dokumentati fl-unità jew fuq il-post u dawn għandhom jippermettu li l-operatur jidentifika, u li l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll jivverifika li dawk li jiġbru l-alga jkunu fornew biss alga selvaġġa prodotta skont dan ir-Regolament.

2.4.3.   Il-ġbir għandu jsir b’tali mod li l-ammonti miġbura ma joħolqux impatt sinifikanti fuq l-istat tal-ambjent akkwatiku. Għandhom jittieħdu miżuri bħat-teknika tal-ġbir, u kwantitajiet minimi ta’ daqs, età, ċikli tar-riproduzzjoni jew ta’ kemm ikun fadal alga biex jiġi żgurat li l-alga tkun tista’ terġa’ ttella’ u biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm qbid aċċessorju.

2.4.4.   Jekk l-alga tinġabar minn żona tal-ġbir kondiviża jew komuni, għandha tkun disponibbli l-evidenza dokumentata maħruġa mill-awtorità rilevanti maħtura mill-Istat Membru kkonċernat, li turi li l-ġbir kollu jikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

3.   Rekwiżiti għall-annimali tal-akkwakultura

Minbarra r-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 11 u 15, u fejn ikun rilevanti fit-Taqsima 1 ta’ din il-Parti, ir-regoli stabbiliti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-ispeċijiet tal-ħut, il-krustaċji, l-ekinodermi u l-molluski. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-produzzjoni ta’ żooplankton, mikrokrustaċji, rotiferi, ħniex u annimali akkwatiċi oħra tal-għalf.

3.1.   Rekwiżiti ġenerali

3.1.1.   Konverżjoni

Għandhom japplikaw il-perijodi ta’ konverżjoni li ġejjin għall-unitajiet ta’ produzzjoni tal-akkwakultura li jinkludu t-tipi ta’ faċilitajiet tal-akkwakultura li ġejjin, u li jinkludu annimali li diġà jeżistu:

(a)

perijodu ta’ konverżjoni ta’ 24 xahar għall-faċilitajiet li ma jistgħux jitbattlu mill-ilma, jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati;

(b)

perijodu ta’ konverżjoni ta’ 12-il xahar għall-faċilitajiet li jkunu tbattlu mill-ilma jew li sserrħu;

(c)

perijodu ta’ konverżjoni ta’ sitt xhur għall-faċilitajiet li tbattlu mill-ilma, li tnaddfu u li ġew iddiżinfettati;

(d)

perijodu ta’ konverżjoni ta’ tliet xhur għall-faċilitajiet fl-ilma miftuħ, inkluż dawk li jipproduċu l-molluski bivalvi.

3.1.2.   Oriġini tal-annimali tal-akkwakultura

3.1.2.1.   Rigward l-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-akkwakultura organika għandha tkun ibbażata fuq it-trobbija ta’ stokk ta’ età żgħira li joriġina minn stokk riproduttur organiku u minn unitajiet ta’ produzzjoni organiċi;

(b)

għandhom jintużaw speċijiet imrobbijin lokalment, u t-tnissil għandu jkollu l-għan li jipproduċi insla li jkunu addattati aħjar għall-kundizzjonijiet tal-produzzjoni, biex ikunu żgurati s-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u użu tajjeb tar-riżorsi tal-għalf. L-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandu jingħata evidenza dokumentata dwar l-oriġini u t-trattament tagħhom;

(c)

għandhom jintgħażlu speċijiet b’saħħithom li jistgħu jitrabbew mingħajr ma ssir ħsara sinifikanti lill-istokkijiet selvaġġi;

(d)

għal skopijiet ta’ tnissil, l-annimali tal-akkwakultura maqbudin mis-selvaġġ jew li mhumiex organiċi jistgħu jiddaħħlu f’azjenda biss f’każijiet debitament ġustifikati fejn l-ebda razza organika ma tkun disponibbli jew fejn stokk ġenetiku ġdid għal skopijiet ta’ tnissil jinġieb f’unità tal-produzzjoni wara li tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti bil-ħsieb li tittejjeb l-adegwatezza tal-istokk ġenetiku. Dawn l-annimali għandhom jinżammu taħt ġestjoni organika għal mill-anqas tliet xhur qabel ma jkunu jistgħu jintużaw għat-tnissil. Għall-annimali li huma fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN tal-ispeċijiet fil-periklu, l-awtorizzazzjoni biex jintużaw eżemplari maqbuda mis-selvaġġ tkun tista’ tingħata biss fil-kuntest ta’ programmi ta’ konservazzjoni rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli mill-isforzi ta’ konservazzjoni;

(e)

għall-finijiet ta’ tismin, il-ġbir ta’ eżemplari żgħar selvaġġi tal-akkwakultura għandu jkun ristrett b’mod speċifiku għall-każijiet li ġejjin:

(i)

l-influss naturali ta’ larva u eżemplari żgħar ta’ ħut jew krustaċji meta jkunu qed jimtlew il-vaski, is-sistemi ta’ konteniment u l-ispazji magħluqa;

(ii)

ir-ripopolazzjoni ta’ ħut żgħir selvaġġ u ta’ larva ta’ krustaċji ta’ speċijiet li mhumiex fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN ta’ speċijiet fil-periklu fl-akkwakultura estensiva f’artijiet mistagħdra, bħal vaski tal-ilma salmastru, żoni tal-marea u laguni ta’ mal-kosta, sakemm:

ir-ripopolazzjoni tkun konformi mal-miżuri ta’ ġestjoni approvati mill-awtoritajiet rilevanti sabiex jiġi żgurat l-isfruttament sostenibbli tal-ispeċijiet ikkonċernati, u

l-annimali jintemgħu biss għalf li jkun disponibbli b’mod naturali fl-ambjent.

B’deroga mill-punt (a), l-Istati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ tismin, jawtorizzaw l-introduzzjoni f’unità ta’ produzzjoni organika ta’ mhux aktar minn 50 % ta’ eżemplari żgħar mhux organiċi ta’ speċijiet li ma kinux żviluppati bħala organiċi fl-Unjoni sal-1 ta’ Jannar 2021, dment li mill-anqas l-aħħar żewġ terzi ta’ kemm idum iċ-ċiklu tal-produzzjoni jkunu ġestiti b’mod organiku. Din id-deroga tista’ tingħata għal perijodu massimu ta’ sentejn u ma għandhiex tiġġedded.

Għal azjendi tal-akkwakultura li jinsabu barra mill-Unjoni, din id-deroga tista’ tingħata biss mill-awtoritajiet ta’ kontroll jew mill-korpi ta’ kontroll li jkunu ġew rikonoxxuti f’konformità mal-Artikolu 46(1) għal speċijiet li ma kinux żviluppati bħala organiċi la fit-territorju tal-pajjiż fejn tinsab l-azjenda u lanqas fl-Unjoni. Din id-deroga tista’ tingħata għal perijodu massimu ta’ sentejn u ma għandhiex tiġġedded.

3.1.2.2.   Rigward it-tnissil, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-ormoni u d-derivati tal-ormoni ma għandhomx jintużaw;

(b)

il- produzzjoni artifiċjali ta’ insla monosesswali, ħlief permezz tal-għażla bl-idejn, l-induzzjoni tal-poliplojdija, ibridizzazzjoni artifiċjali u kklonjar ma għandhomx jintużaw;

(c)

għandhom jintgħażlu insla xierqa.

3.1.3.   Nutrizzjoni

3.1.3.1.   Rigward l-għalf għall-ħut, il-krustaċji u l-ekinodermi, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

l-annimali għandhom jintgħalfu b’għalf li jissodisfa r-rekwiżiti nutrizzjonali tal-annimal fl-istadji differenti tal-iżvilupp tiegħu;

(b)

ir-reġimi tal-għalf għandhom jitfasslu bil-prijoritajiet li ġejjin:

(i)

is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali;

(ii)

kwalità għolja tal-prodott, inkluż il-kompożizzjoni nutrizzjonali tal-prodott, li għandha tiżgura l-kwalità għolja tal-prodott aħħari li jista’ jittiekel;

(iii)

impatt baxx fuq l-ambjent;

(c)

il-parti veġetali tal-għalf għandha tkun organika u l-oriġini tal-parti tal-għalf derivata minn annimali akkwatiċi għandha toriġina mill-akkwakultura organika jew minn sajd li jkun ġie ċċertifikat bħala sostenibbli skont skema rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(d)

il-materjali tal-għalf mhux organiċi li joriġinaw minn pjanti, annimali, alga jew ħmira, il-materjali tal-għalf ta’ oriġini minerali jew mikrobjali, l-addittivi tal-għalf, u l-għajnuniet għall-ipproċessar għandhom jintużaw biss jekk ikunu awtorizzati skont dan ir-Regolament biex jintużaw fil-produzzjoni organika;

(e)

ma għandhomx jintużaw promoturi tat-tkabbir u aċidi amminiċi sintetiċi.

3.1.3.2.   Rigward tal-molluski bivalvi u speċijiet oħra li ma jintgħalfux mill-bniedem, iżda li minflok jgħixu fuq il-plankton naturali, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Dawn l-annimali filtraturi għandhom jirċievu l-ħtiġijiet nutrizzjonali kollha tagħhom min-natura, ħlief fis-każ tal-eżemplari żgħar imrobbija fl-imfaqas u fl-għadajjar għat-trobbija;

(b)

iż-żoni tat-tkabbir għandhom ikunu adegwati mill-perspettiva tas-saħħa u għandhom jew ikunu ta’ status ekoloġiku għoli kif definit mid-Direttiva 2000/60/KE jew inkella jkunu ta’ status ambjentali tajjeb, kif definit mid-Direttiva 2008/56/KE, jew ikunu ta’ kwalità ekwivalenti:

għaż-żoni ta’ produzzjoni kklassifikati bħala A fir-Regolament (KE) Nru 854/2004, sat-13 ta’ Diċembru 2019, jew

għal klassifikazzjoni korrispondenti fl-oqsma stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18(8) tar-Regolament (UE) 2017/625, mill-14 ta’ Diċembru 2019.

3.1.3.3.   Regoli speċifiċi dwar l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura li huma karnivori

L-għalf għall-annimali tal-akkwakultura li huma karnivori għandu jiġi nutrit skont il-prijoritajiet li ġejjin:

(a)

għalf organiku li joriġina mill-akkwakultura;

(b)

ħut mitħun u żejt tal-ħuta minn tirqim tal-akkwakultura organika li ġej minn ħut, krustaċji jew molluski;

(c)

ħut mitħun u żejt tal-ħuta u materjal tal-għalf li ġejjin mill-ħut derivati minn tirqim ta’ ħut, krustaċji jew molluski li jkunu diġà nqabdu għall-konsum mill-bniedem permezz tas-sajd sostenibbli;

(d)

ħut mitħun u żejt tal-ħuta u materjal tal-għalf li joriġinaw mill-ħut derivati minn ħut, krustaċji jew molluski sħaħ maqbuda permezz ta’ sajd sostenibbli u li ma jintużawx għall-konsum mill-bniedem;

(e)

materjali tal-għalf organiku li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali; il-materjal mill-pjanti ma għandux jaqbeż is-60 % tat-total tal-ingredjenti.

3.1.3.4.   Regoli speċifiċi dwar l-għalf għal ċerti annimali tal-akkwakultura

Fil-fażi tat-tismin, il-ħut fl-ilmijiet interni, il-gambli peneidi u l-gambli tal-ilma ħelu u l-ħut tropikali tal-ilma ħelu għandhom jintgħalfu kif ġej:

(a)

b’għalf li jkun disponibbli f’vaski u lagi b’mod naturali;

(b)

fejn l-għalf naturali imsemmi fil-punt (a) ma jkunx disponibbli fi kwantitajiet suffiċjenti, jista’ jintuża għalf organiku b’oriġini veġetali, preferibbilment li tkabbar fl-istabbiliment stess, jew inkella alga. L-operaturi għandhom iżommu evidenza dokumentata tal-ħtieġa li jintuża għalf addizzjonali;

(c)

fejn l-għalf naturali jiġi ssupplimentat f’konformità mal-punt (b):

(i)

il-porzjon tal-għalf magħmul minn gambli penaeid u gambli tal-ilma ħelu (Macrobrachium spp.) jista’ jkun fih massimu ta’ 25 % ħut mitħun u 10 % żejt tal-ħuta derivati minn sajd sostenibbli;

(ii)

il-porzjon tal-għalf tas-siamese catfish (Pangasius spp.) jista’ jkun fih massimu ta’ 10 % ħut mitħun jew żejt tal-ħuta derivat minn sajd sostenibbli.

3.1.4.   Kura tas-saħħa

3.1.4.1.   Prevenzjoni tal-mard

Rigward il-prevenzjoni tal-mard, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-prevenzjoni tal-mard għandha tkun ibbażata fuq iż-żamma tal-annimali fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli permezz ta’ ippostjar xieraq, li jqis, fost affarijiet oħra l-ħtiġijiet tal-ispeċijiet għall-kwalità tajba tal-ilma, ir-rata tal-fluss u l-kambju, l-aqwa disinn possibbli tal-azjendi, l-applikazzjoni ta’ prattiki ta’ trobbija u ta’ ġestjoni tajbin, inkluż it-tindif u d-diżinfezzjoni regolari tal-postijiet, għalf ta’ kwalità għolja, densità ta’ ħażna xierqa, u selezzjoni xierqa tal-insla u r-razez;

(b)

jistgħu jintużaw mediċini veterinarji immunoloġiċi;

(c)

il-pjan dwar il-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali għandu jagħti d-dettalji dwar il-prattiki b’rabta mal-bijosigurtà u l-prevenzjoni tal-mard, inkluż ftehim bil-miktub dwar konsulenza dwar is-saħħa li tkun proporzjonata għall-unità tal-produzzjoni, minn servizzi kkwalifikati fis-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura li għandhom iżuru l-istabbiliment tal-inqas darba fis-sena jew, fil-każ ta’ frott tal-baħar bivalvi mhux inqas minn darba kull sentejn;

(d)

is-sistemi, it-tagħmir u l-għodod tal-ażjendi għandhom jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati sewwa;

(e)

l-organiżmi bijoloġiċi li jikbru mat-tagħmir għandhom jitneħħew biss b’mezzi fiżiċi jew bl-idejn u, fejn xieraq, għandhom jerġgħu jintefgħu fil-baħar ’il bogħod mill-azjenda;

(f)

jistgħu jintużaw biss sustanzi tat-tindif u tad-diżinfezzjoni tat-tagħmir u tal-faċilitajiet li jkunu awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika;

(g)

rigward mistrieħ sanitarju, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

l-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, awtorità jew korp ta’ kontroll, għandha tiddeċiedi dwar jekk huwiex meħtieġ il-mistrieħ sanitarju, u dwar it-tul ta’ żmien xieraq li għandu jkun applikat u ddokumentat wara kull ċiklu tal-produzzjoni f’sistemi ta’ konteniment għall-ilmijiet miftuħa fil-baħar;

(ii)

dan ma għandux ikun obbligatorju għall-kultivazzjoni tal-molluski bivalvi;

(iii)

matul il-mistrieħ sanitarju, il-gaġġa jew kwalunkwe struttura l-oħra użata għall-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura titbattal, tiġi ddiżinfettata u titħalla battala qabel ma terġa’ tintuża;

(h)

fejn xieraq, l-għalf tal-ħut li ma jkunx ittiekel, il-ħmieġ u l-annimali mejtin għandhom jitneħħew minnufih biex ikun evitat kull riskju ta’ ħsara ambjentali sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalità tal-istatus tal-ilma, biex jitnaqqsu r-riskji tal-mard, u biex ma jiġux attratti insetti jew rodituri;

(i)

id-dawl ultravjola u l-ożonu jistgħu jintużaw biss fl-imfaqas u fl-għadajjar tat-trobbija;

(j)

għall-kontroll bijoloġiku ta’ ektoparassiti, għandha tingħata preferenza għall-użu ta’ ħut li jnaddaf u għall-użu tal-ilma ħelu, l-ilma baħar u soluzzjonijiet tal-klorur tas-sodju.

3.1.4.2.   It-trattamenti veterinarji

Rigward it-trattamenti veterinarji, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-mard għandu jiġi ttrattat minnufih biex l-annimal ma jsofrix. Il-prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi sintetizzati kimikament, inkluż l-antibijotiċi, jistgħu jintużaw fejn meħtieġ u b’kondizzjonijiet stretti taħt ir-responsabbiltà ta’ veterinarju, fejn l-użu ta’ prodotti fitoterapewtiċi, omeopatiċi u oħrajn ma jkunx xieraq. Fejn jixraq, għandhom jiġu definiti r-restrizzjonijiet rigward korsijiet ta’ trattament u perijodi tal-irtirar;

(b)

għandhom ikunu permessi trattamenti marbutin mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali imposti abbażi tal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

(c)

meta, minkejja l-miżuri preventivi biex jiżguraw is-saħħa tal-annimali msemmija fil-punt 3.1.4.1, titfaċċa problema tas-saħħa, jistgħu jintużaw trattamenti veterinarji fl-ordni ta’ preferenza li ġejja:

(i)

sustanzi mill-pjanti, mill-annimali jew mill-minerali f’dilwizzjoni omeopatika;

(ii)

pjanti u l-estratti tagħhom li ma għandhomx effetti anestetiċi; u

(iii)

sustanzi bħal mikroelementi, metalli, immunostimulanti naturali, jew probijotiċi awtorizzati;

(d)

l-użu tat-trattamenti allopatiċi għandu jkun limitat għal żewġ korsijiet ta’ trattament fis-sena, ħlief għat-tilqim u għall-iskemi obbligatorji ta’ qerda. Madanakollu, fil-każijiet ta’ ċiklu tal-produzzjoni ta’ inqas minn sena, għandu japplika limitu ta’ trattament allopatiku wieħed. Fejn jinqabżu l-limiti msemmija għat-trattamenti allopatiċi, l-annimali tal-akkwakultura kkonċernati ma għandhomx jiġu kummerċjalizzati bħala prodotti organiċi;

(e)

l-użu tat-trattamenti kontra l-parassiti, li ma jkunx permezz tal-iskemi obbligatorji ta’ kontroll imħaddma mill-Istati Membri, għandu jkun limitat għal darbtejn fis-sena, inkella għal darba fis-sena f’każ li ċ-ċiklu tal-produzzjoni jkun ta’ inqas minn 18-il xahar;

(f)

il-perijodu tal-irtirar tat-trattamenti veterinarji allopatiċi u tat-trattamenti kontra l-parassiti skont il-punt (d), inkluż tat-trattamenti skont l-iskemi obbligatorji ta’ kontroll u ta’ qerda, għandu jkun id-doppju tal-perijodu tal-irtirar kif imsemmi fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/82/KE, jew, fejn dan il-perijodu ma jkunx speċifikat, ta’ 48 siegħa;

(g)

kwalunkwe użu ta’ prodotti mediċinali veterinarji għandu jiġi ddikjarat lill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, qabel ma l-annimali jiġu kkummerċjalizzati bħala prodotti organiċi. L-istokk ttrattat għandu jkun identifikabbli faċilment.

3.1.5.   L-akkomodazzjoni tal-annimali u l-prattiki tat-trobbija tal-annimali

3.1.5.1.   Il-faċilitajiet magħluqa taċ-ċirkulazzjoni mill-ġdid tal-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura għandhom ikunu pprojbiti, ħlief fil-każ ta’ imfaqas u għadajjar tat-trobbija jew faċilitajiet għall-produzzjoni ta’ speċijiet użati bħala organiżmi organiċi tal-għalf.

3.1.5.2.   It-tisħin u t-tberrid artifiċjali tal-ilma għandu jkun permess biss fil-mafqsiet u fl-għadajjar tat-trobbija. Għat-tisħin u t-tberrid tal-ilma fl-istadji kollha tal-produzzjoni jista’ jintuża ilma naturali mill-ispieri.

3.1.5.3   L-ambjent tat-trobbija tal-annimali tal-akkwakultura għandu jitfassal b’tali mod li, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-ispeċi tagħhom, l-annimali tal-akkwakultura:

(a)

jkollhom spazju suffiċjenti għall-benessri tagħhom u jkollhom id-densità tal-ħażna rilevanti stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3);

(b)

jinżammu f’ilma ta’ kwalità tajba b’rati adegwati ta’ fluss u ta’ tibdil, livelli ta’ ossiġenu biżżejjed u b’żamma ta’ livell baxx ta’ metaboliti, fost affarijiet oħra;

(c)

jinżammu f’temperatura u f’kundizzjonijiet tad-dawl skont ir-rekwiżiti tal-ispeċi u b’kunsiderazzjoni tal-post ġeografiku.

Filwaqt li jitqiesu l-effetti tad-densità tal-istokk fuq it-trattament xieraq tal-ħut prodott, għandhom ikunu ssorveljati u meqjusa l-kundizzjoni tal-ħut (bħall-ħsara lill-pinen, feriti oħrajn, ir-rata tat-tkabbir, l-imġiba espressa u s-saħħa ġenerali) u l-kwalità tal-ilma.

Fil-każ tal-ħut tal-ilma ħelu, il-qiegħ għandu jkun joqrob kemm jista’ jkun lejn il-kundizzjonijiet naturali.

Fil-każ tal-karpjun u speċijiet simili:

il-qiegħ għandu jkun ħamrija naturali,

il-fertilizzazzjoni organika u minerali tal-vaski u l-lagi għandha ssir biss b’fertilizzanti u kondizzjonaturi tal-ħamrija li jkunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika, b’applikazzjoni massima ta’ 20 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru,

it-trattamenti li jinvolvu sustanzi kimiċi sintetiċi għall-kontroll ta’ idrofiti u tal-ammont ta’ pjanti fl-ilma tal-produzzjoni għandhom ikunu projbiti.

3.1.5.4.   It-tfassil u l-bini tas-sistemi akkwatiċi taż-żamma għandhom jipprovdu rati ta’ ġiri tal-ilma u parametri fiżjokimiċi li jissalvagwardjaw is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ mġibithom.

Il-karatteristiċi speċifiċi għas-sistemi ta’ produzzjoni u s-sistemi ta’ konteniment għal speċijiet jew grupp ta’ speċijiet stabbiliti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) għandhom jiġu osservati.

3.1.5.5.   L-unitajiet tat-trobbija fuq l-art għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

sistemi bi fluss kontinwu għandhom jippermettu l-monitoraġġ u l-kontroll tar-rata tal-fluss u tal-kwalità tal-ilma kemm tal-ilma dieħel fihom kif ukoll dak ħiereġ minnhom;

(b)

tal-anqas 10 % miż-żona ta’ mad-dawra (‘xifer l-ilma’) għandu jkollha veġetazzjoni naturali.

3.1.5.6.   Is-sistemi taż-żamma fil-baħar għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandhom ikunu xi mkien fejn il-fluss tal-ilma, il-fond u r-rati tat-tibdil tal-ilma jkunu addattati biex jitnaqqas l-impatt fuq qiegħ il-baħar u fuq l-ilma kollu tal-madwar;

(b)

għandu jkollhom disinn, bini u manteniment tal-gaġeġ li jkunu adegwati f’dak li għandu x’jaqsam mal-esponiment tagħhom għall-ambjent operattiv.

3.1.5.7.   Is-sistemi taż-żamma għandhom jitfasslu, jitqiegħdu u jitħaddmu b’mod li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-riskju ta’ inċidenti li fihom jaħarbu l-annimali.

3.1.5.8.   Jekk jaħarbu l-ħut jew il-krustaċji, għandha tittieħed azzjoni xierqa biex jitnaqqas l-impatt fuq l-ekosistema tal-post, inkluż il-qbid mill-ġdid fejn xieraq. Għandhom jinżammu reġistri.

3.1.5.9.   Għall-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura fil-vaski tal-ħut, fit-tankijiet jew fil-korsi, l-azjendi agrikoli għandhom ikunu mgħammra jew b’tankijiet jew vaski b’saff naturali li jiffiltraw l-ilma, jew b’vaski fejn joqgħod in-naqal, jew b’filtri bijoloġiċi jew mekkaniċi li jiġbru n-nutrijenti skartati jew għandhom jużaw l-alga jew l-annimali (bivalvi) li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-ilma li jkun ħiereġ ’il barra minnhom. Il-monitoraġġ tal-ilma ħiereġ għandu jsir f’perijodi regolari fejn xieraq.

3.1.6.   It-trattament xieraq tal-annimali

3.1.6.1.   Il-persunal kollu li jieħu ħsieb l-annimali tal-akkwakultura għandu jkollu l-għarfien u l-kapaċitajiet bażiċi meħtieġa fir-rigward tas-saħħa u l-ħtiġijiet ta’ trattament xieraq ta’ dawk l-annimali.

3.1.6.2.   It-tqandil tal-annimali tal-akkwakultura għandu jkun minimizzat, u għandu jsir bl-ikbar attenzjoni. Għandhom jintużaw it-tagħmir u l-protokolli xierqa sabiex jiġu evitati l-istress u l-ħsara fiżika assoċjati mal-proċeduri tat-tqandil. L-istokk għar-riproduzzjoni għandu jitqandel b’tali mod li jiġu minimizzati l-ħsara fiżika, u l-istress u għandu jitqandel billi jingħata l-loppju fejn xieraq. It-tqassim skont id-daqs għandu jsir mill-inqas u għandu jintuża biss meħtieġ biex jiżgura t-trattament xieraq tal-ħut.

3.1.6.3.   Għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet li ġejjin fuq l-użu tad-dawl artifiċjali:

(a)

biex jittawwal il-ħin naturali tal-ġurnata, dan ma għandux jaqbeż massimu li jirrispetta l-ħtiġijiet etoloġiċi, il-kundizzjonijiet ġeografiċi u s-saħħa ġenerali tal-annimali; dan il-massimu ma għandux jaqbeż l-14-il siegħa kuljum, ħlief fejn neċessarju għall-finijiet tar-riproduzzjoni;

(b)

għandhom ikunu evitati bidliet f’salt fl-intensità tad-dawl waqt il-ħin tal-konverżjoni permezz tal-użu ta’ bozoz li jistgħu jitbaxxew bil-mod il-mod jew dawl fl-isfond.

3.1.6.4.   Għandha titħalla tingħata l-arja sabiex ikunu żgurati t-trattament xieraq u s-saħħa tal-annimali. L-arjaturi mekkaniċi għandhom jitħaddmu preferibbilment b’sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

3.1.6.5.   L-ossiġnu jista’ jintuża biss għall-użi marbutin mar-rekwiżiti tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali u ma’ perijodi kritiċi tal-produzzjoni jew tal-ġarr, u biss fil-każijiet li ġejjin:

(a)

każijiet eċċezzjonali ta’ bidla fit-temperatura, tnaqqis fil-pressjoni atmosferika jew tniġġis aċċidentali tal-ilma;

(b)

proċeduri okkażjonali ta’ ġestjoni tal-istokk, bħat-teħid ta’ kampjuni jew l-għażla;

(c)

sabiex tkun żgurata s-sopravivenza tal-istokk tal-azjenda.

3.1.6.6.   Għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex il-ġarr ta’ annimali tal-akkwakultura jdum mill-anqas possibbli.

3.1.6.7.   Għandha tinżamm għall-minimu kull tbatija tul il-ħajja kollha tal-annimal, anki fil-ħin tal-qatla.

3.1.6.8.   It-tneħħija kirurġika taz-zkuk tal-għajn, inkluż kull prattika simili, bħal-ligazzjoni, inċiżjoni u qris, hija projbita.

3.1.6.9.   It-tekniki tal-qatla għandhom jitilfu lill-ħut minn sensihom u jneħħulhom il-ħila li jħossu l-uġigħ mill-ewwel. It-tqandil tal-annimali qabel il-qatla għandu jsir b’mod li jevita li jweġġagħhom u kemm jista’ jkun ma jikkawżalhomx stress u tbatija. Għandhom jitqiesu d-differenzi fid-daqs tal-qbid, fl-ispeċijiet, u fis-siti tal-produzzjoni meta jkunu qed jiġu kkunsidrati l-aqwa metodi possibbli għall-qatla.

3.2.   Regoli dettaljati għall-molluski

3.2.1.   Is-sorsi taż-żerriegħa

Rigward is-sorsi taż-żerriegħa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

tista’ tintuża żerriegħa selvaġġa minn barra l-konfini tal-unità tal-produzzjoni fil-każ ta’ frott tal-baħar bivalvi, sakemm ma ssir ebda ħsara sinifikanti lill-ambjent, sakemm dan il-ġbir ta’ żerriegħa jkun permess mil-liġijiet lokali u sakemm iż-żerriegħa tkun ġejja minn:

(i)

irqajja’ ta’ frott tal-baħar li wisq probabbli ma jifilħux għat-temp xitwi jew li jkun hemm minnhom aktar milli meħtieġ; jew

(ii)

irqajja’ naturali ta’ żerriegħa tal-frott tal-baħar fit-tagħmir użat għall-ġbir;

(b)

fil-każ tal-gajdra tat-tip (Crassostrea gigas), għandha tingħata preferenza lil stokk li jkun tgħammar b’mod selettiv sabiex jitnaqqas il-bidien fl-ambjent naturali;

(c)

għandhom jinżammu reġistri dwar meta, kif u minn fejn inġabret iż-żerriegħa selvaġġa biex tkun tista’ tiġi ttraċċata lura għaż-żona tal-ġbir;

(d)

żerriegħa selvaġġa tista’ tinġabar biss wara li l-awtorità kompetenti tkun tat l-awtorizzazzjoni biex dan isir.

3.2.2.   L-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija

Rigward l-akkomodazzjoni u l-prattiki tat-trobbija, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-produzzjoni tista’ ssir fl-istess żona tal-ilma tal-produzzjoni organika tal-ħut bil-pinen u tal-alga, f’sistema ta’ polikultura li għandha tiġi ddokumentata fil-pjan dwar il-ġestjoni sostenibbli. Il-molluski bivalvi jistgħu jitkabbru wkoll flimkien mal-molluski gasteropodi, bħall-brankutli, fil-polikultura;

(b)

il-produzzjoni organika tal-molluski bivalvi għandha ssir f’żoni ddelimitati b’żubruni, kannizzati jew b’marki ċari oħrajn u għandha tkun ristretta, fejn xieraq, bi xbieki, gaġeġ jew mezzi oħra magħmulin mill-bniedem;

(c)

l-istabbilimenti organiċi tal-frott tal-baħar għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskju għal speċijiet li huma ta’ interess għall-konservazzjoni. Jekk jintużaw xbieki tal-predaturi, id-disinn tagħhom ma għandux jippermetti li ssir ħsara lill-għasafar li jogħdsu.

3.2.3.   Il-kultivazzjoni

Rigward il-kultivazzjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

il-kultivazzjoni fuq ħbula tal-maskli u b’metodi oħrajn imniżżlin fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3) tista’ tintuża fil-produzzjoni organika;

(b)

il-kultivazzjoni ta’ molluski f’qiegħ il-baħar mhijiex permessa ħlief jekk ma jinħoloq ebda impatt ambjentali sinifikanti fis-siti tal-ġbir u tat-tkabbir. Għandhom jinżiedu stħarriġ u rapport li jsostnu l-evidenza ta’ impatt ambjentali minimu bħala kapitolu separat għall-pjan ta’ ġestjoni sostenibbli, u għandhom jiġu pprovduti mill-operatur lill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, qabel ma jibdew l-operazzjonijiet.

3.2.4.   Ġestjoni

Rigward il-ġestjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

fil-produzzjoni għandha tintuża densità tal-istokk li ma tkunx iktar minn dik użata fir-reġjun għall-molluski mhux organiċi. L-aġġustamenti tal-għażla, tat-tnaqqis u tad-densità tal-istokk għandhom isiru skont il-bijomassa u biex jiżguraw it-trattament xieraq tal-annimali u l-kwalità tajba tal-prodotti;

(b)

l-organiżmi bijoloġiċi li jikbru mat-tagħmir għandhom jitneħħew b’mezzi fiżiċi jew bl-idejn u fejn xieraq jerġgħu jintefgħu fil-baħar ’il bogħod mill-istabbilimenti tal-molluski. Matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, il-molluski jistgħu jiġu ttrattati darba b’soluzzjoni tal-ġir biex jiġu kkontrollati organiżmi li jikbru mat-tagħmir li jkunu qed jikkompetu magħhom.

3.2.5.   Ir-regoli speċifiċi dwar il-kultivazzjoni tal-gajdri

Hija permessa l-kultivazzjoni f’basktijiet fuq il-kavalletti. Dawk, jew strutturi oħrajn li fihom jinżammu l-gajdri, għandhom jitpoġġew b’tali mod li ma jifformawx barriera waħda sħiħa mal-kosta. L-istokk għandu jitqiegħed b’attenzjoni kbira fl-irqajja’ skont il-flussi tal-marea biex il-produzzjoni tittejjeb kemm jista’ jkun. Il-produzzjoni għandha tissodisfa r-rekwiżiti mogħtija fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(3).

Parti IV: Regoli dwar il-produzzjoni tal-ikel proċessat

Minbarra r-regoli ġenerali tal-produzzjoni stipulati fl-Artikoli 9, 11 u 16, ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika ta’ ikel proċessat.

1.   Ir-rekwiżiti ġenerali għall-produzzjoni tal-ikel proċessat

1.1.   L-addittivi mal-ikel l-għajnuniet għall-ipproċessar, u sustanzi u ingredjenti oħra użati għall-ipproċessar ta’ ikel, u kull prattika ta’ proċessar użata, bħall-iffumigazzjoni, għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta’ prassi tajba ta’ manifattura (6).

1.2.   L-operaturi li jipproduċu ikel proċessat għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw proċeduri addattati bbażati fuq identifikazzjoni sistematika ta’ stadji kritiċi tal-ipproċessar.

1.3.   L-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt 1.2 għandha tiżgura li l-prodotti proċessati ffabbrikati jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament f’kull ħin.

1.4.   L-operaturi għandhom jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-punt 1.2 u jimplimentawhom, u, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, b’mod partikolari:

(a)

jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni;

(b)

jimplimentaw miżuri addattati ta’ tindif, jagħmlu monitoraġġ tal-effikaċja tagħhom u jżommu rekords ta’ dawk l-operazzjonijiet;

(c)

jiggarantixxu li ma jitqiegħdux prodotti mhux organiċi fis-suq b’indikazzjoni li tirreferi għall-produzzjoni organika.

1.5.   Il-preparazzjoni ta’ prodotti pproċessati organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, għandha ssir separatament minn xulxin fiż-żmien jew fil-post. Fejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, fi kwalunkwe kombinazzjoni, ikunu ppreparati jew maħżuna fl-unità ta’ preparazzjoni kkonċernata, l-operatur għandu:

(a)

jinforma lill-awtorità kompetenti, jew, fejn xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, skont dan;

(b)

iwettaq l-operazzjonijiet b’mod kontinwu sakemm titlesta t-tiratura, separatament fil-post jew fiż-żmien minn operazzjonijiet simili mwettqa fuq kull tip ieħor ta’ prodott (organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku);

(c)

jaħżen il-prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, qabel u wara l-operazzjonijiet, separatament minn xulxin fil-post jew fiż-żmien;

(d)

iżomm reġistru aġġornat tal-operazzjonijiet kollha u tal-kwantitajiet proċessati;

(e)

iwettaq il-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-identifikazzjoni tal-lottijiet u biex jevita t-taħlit jew l-skambji bejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi;

(f)

iwettaq operazzjonijiet fuq prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni biss wara tindif addattat tat-tagħmir tal-produzzjoni.

1.6.   Ma għandhomx jintużaw prodotti, sustanzi u tekniki li jirrikostitwixxu l-proprjetajiet li jintilfu fl-ipproċessar u fil-ħżin tal-ikel organiku, li jikkoreġu r-riżultati ta’ negliġenza fl-ipproċessar tal-ikel organiku, jew li b’xi mod jistgħu jqarrqu dwar in-natura vera ta’ prodotti li huma maħsubin biex jiġu kkummerċjalizzati bħala organiċi.

2.   Rekwiżiti dettaljati għall-produzzjoni tal-ikel proċessat

2.1.   Il-kundizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kompożizzjoni ta’ ikel organiku pproċessat:

(a)

il-prodott għandu jkun magħmul prinċipalment minn ingredjenti agrikoli jew prodotti maħsuba għall-użu bħala ikel elenkat fl-Anness I; għall-iskop li jiġi ddeterminat jekk prodott ikunx ġie prodott prinċipalment minn dawk il-prodotti, ma għandhomx jitqiesu l-ilma u l-melħ miżjudin;

(b)

ingredjent organiku ma għandux ikun preżenti flimkien mal-istess ingredjent f’forma mhux organika;

(c)

ingredjent fil-fażi ta’ konverżjoni ma għandux ikun preżenti flimkien mal-istess ingredjent f’forma organika jew mhux organika.

2.2.   L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi fl-ipproċessar tal-ikel

2.2.1.

Fl-ipproċessar tal-ikel jistgħu jintużaw biss l-addittivi tal-ikel, għajnuniet għall-ipproċessar u ingredjenti mhux organiċi agrikoli awtorizzati skont l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 25 għall-użu fil-produzzjoni organika, u l-prodotti u s-sustanzi msemmija fil-punt 2.2.2, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti u sustanzi mis-settur tal-inbid, li għalihom għandu japplika l-punt 2 tal-Parti VI, u bl-eċċezzjoni tal-ħmira, li għaliha għandu japplika l-punt 1.3 tal-Parti VII.

2.2.2.

Fl-ipproċessar tal-ikel, jistgħu jintużaw il-prodotti u sustanzi li ġejjin:

(a)

preparazzjonijiet ta’ mikroorganiżi u enżimi tal-ikel normalment użati fl-ipproċessar tal-ikel, sakemm l-enżimi tal-ikel li għandhom jintużaw bħala addittivi tal-ikel jkunu ġew awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika;

(b)

is-sustanzi u l-prodotti ddefiniti fil-punti (c) u (d)(i) tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 li jkunu ġew ttikkettati bħala sustanzi naturali tat-taħwir jew preparazzjonijiet naturali tat-taħwir skont l-Artikolu 16(2), (3) u (4) ta’ dak ir-Regolament;

(c)

koloranti biex jiġu ttimbrati l-laħam u l-qxur tal-bajd skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008;

(d)

kuluri naturali u sustanzi naturali li jiksu biex jingħata kulur dekorattiv tradizzjonali lill-qoxra tal-bajd mgħolli bl-intenzjoni li jitqiegħed fis-suq f’perijodu partikolari tas-sena;

(e)

ilma għax-xorb u melħ organiku jew mhux organiku (bil-klorur tas-sodju jew bil-klorur tal-potassju bħala komponenti bażiċi) ġeneralment użati fl-ipproċessar tal-ikel;

(f)

minerali (inkluż traċċi ta’ elementi), vitamini, aċidi amminiċi u mikronutrijenti, sakemm:

(i)

l-użu tagħhom f’ikel għal konsum normali jkun ‘rekwiżit legali dirett’ fis-sens li jkun meħtieġ direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni jew mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-ikel ma jkun jista’ b’ebda mod jitqiegħed fis-suq bħala ikel għal konsum normali jekk ma jiżdidux dawk il-minerali, il-vitamini, l-aċidi amminiċi jew il-mikronutrijent; jew

(ii)

fir-rigward tal-ikel imqiegħed fis-suq bħala li għandu karatteristiċi jew effetti partikolari fir-rigward tas-saħħa jew in-nutrizzjoni jew fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi:

f’prodotti imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 1(1)tar-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dak ir-Regolament u l-atti adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) ta’ dak ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati, jew

fi prodotti rregolati mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE (8), l-użu tagħhom ikun awtorizzat minn dik id-Direttiva.

2.2.3.

Huma biss dawk il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni li huma awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fl-ipproċessar li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

2.2.4.

Għall-finijiet tal-kalkolu stipulat fl-Artikolu 30(5), għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

ċerti addittivi tal-ikel awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika għandhom jiġu kkalkulati bħall-ingredjenti agrikoli;

(b)

il-preparazzjonijiet u s-sustanzi msemmijin fil-punti (a), (c), (d) (e) u (f) tal-punt 2.2.2 ma għandhomx jiġu kkalkulati bħala ingredjenti agrikoli;

(c)

il-ħmira u l-prodotti tal-ħmira għandhom jiġu kkalkulati bħall-ingredjenti agrikoli.

Parti V: Regoli dwar il-produzzjoni tal-għalf proċessat

Minbarra r-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 11 u 17, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika ta’ għalf proċessat.

1.   Rekwiżiti ġenerali għall-produzzjoni tal-għalf proċessat

1.1.

L-addittivi mal-għalf, l-għajnuniet għall-ipproċessar u sustanzi u ingredjenti oħra użati għall-ipproċessar ta’ għalf u kull prattika ta’ pproċessar użata, bħall-iffumigazzjoni, għandha tikkonforma mal-prinċipji ta’ prassi tajba ta’ manifattura.

1.2.

L-operaturi li jipproduċu għalf proċessat għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw proċeduri addattati ibbażati fuq identifikazzjoni sistematika tal-istadji kritiċi tal-ipproċessar.

1.3.

L-applikazzjoni tal-proċeduri msemmija fil-punt 1.2 għandha tiżgura li l-prodotti proċessati ffabbrikati jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament f’kull ħin.

1.4.

L-operaturi għandhom jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-punt 1.2 u jimplimentawhom, u, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28, għandhom b’mod partikolari:

(a)

jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni;

(b)

jimplimentaw miżuri addattati ta’ tindif, jagħmlu monitoraġġ tal-effikaċja tagħhom u jżommu rekords ta’ dawk l-operazzjonijiet;

(c)

jiggarantixxu li ma jitqiegħdux prodotti mhux organiċi fis-suq b’indikazzjoni li tirreferi għall-produzzjoni organika.

1.5.

Il-preparazzjoni ta’ prodotti pproċessati organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi għandha ssir separatament minn xulxin fil-post jew fiż-żmien. Fejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, fi kwalunkwe kombinazzjoni, jkunu ppreparati jew maħżuna fl-unità ta’ preparazzjoni kkonċernata, l-operatur għandu:

(a)

jinforma lill-awtorità jew lill-korp ta’ kontroll dwar dan;

(b)

jwettaq l-operazzjonijiet b’mod kontinwu sakemm titlesta t-tiratura, separatament fil-post jew fiż-żmien minn operazzjonijiet simili mwettqa fuq kull tip ieħor ta’ prodott (organiku, dak fil-fażi ta’ konverżjoni jew dak mhux organiku);

(c)

jaħżen il-prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, qabel u wara l-operazzjonijiet, separatament minn xulxin fil-post jew fiż-żmien;

(d)

iżomm reġistru aġġornat tal-operazzjonijiet kollha u tal-kwantitajiet proċessati;

(e)

jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-identifikazzjoni tal-lottijiet u biex jevita t-taħlit jew skambji bejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi;

(f)

iwettaq operazzjonijiet fuq prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni biss wara tindif addattat tat-tagħmir tal-produzzjoni.

2.   Ir-rekwiżiti dettaljati għall-produzzjoni tal-għalf proċessat

2.1.

Materjali tal-għalf organiku, jew materjali tal-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni, ma għandhomx jidħlu fil-kompożizzjoni ta’ prodott tal-għalf organiku simultanjament mal-istess materjali tal-għalf prodotti b’mezzi mhux organiċi.

2.2.

Kwalunkwe materjal tal-għalf użat jew ipproċessat fi produzzjoni organika ma’ għandux ikun ġie pproċessat bl-għajnuna ta’ solventi sintetizzati kimikament.

2.3.

Fl-ipproċessar tal-għalf jistgħu jintużaw biss materjal tal-għalf mhux organiku li joriġina minn pjanti, alga, annimali jew ħmira, materjal tal-għalf li joriġina mill-minerali, u addittivi tal-għalf u għajnuniet għall-ipproċessar awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika.

2.4.

Huma biss il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fl-ipproċessar li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

Parti VI: Inbid

1.   Kamp ta’ applikazzjoni

1.1.

Barra mir-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 11, 16 u 18, ir-regoli stabbiliti f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-prodotti tas-settur tal-inbid kif imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

1.2.

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 (9) u (KE) Nru 607/2009 (10) għandhom japplikaw, sakemm ma jkunx previst espliċitament mod ieħor f’din il-Parti.

2.   L-użu ta’ ċerti prodotti u sustanzi

2.1.

Il-prodotti tas-settur tal-inbid iridu jsiru minn materja prima organika.

2.2.

Il-prodotti u s-sustanzi awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika biss jistgħu jintużaw għall-fabbrikazzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-inbid, inkluż waqt il-prattiki enoloġiċi, il-proċessi u t-trattamenti, soġġett għall-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u r-Regolament (KE) Nru 606/2009, u partikolarment fl-Anness IA tar-Regolament imsemmi l-aħħar.

3.   Prattiki enoloġiċi u restrizzjonijiet

3.1.

Mingħajr preġudizzju għat-Taqsimiet 1 u 2 ta’ din il-Parti u għal projbizzjonijiet u restrizzjonijiet speċifiċi previsti fil-punti 3.2, 3.3 u 3.4, għandhom ikunu permessi biss il-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi, inkluż ir-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 80 u l-Artikolu 83(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, fl-Artikoli 3, l-Artikoli 5 sa 9 u l-Artikoli 11 sa 14 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, u fl-Annessi ta’ dawk ir-Regolamenti użati qabel l-1 ta’ Awwissu 2010.

3.2.

L-użu tal-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi li ġejjin huwa pprojbit:

(a)

il-konċentrazzjoni parzjali permezz ta’ tkessiħ skont il-punt (c) tat-Taqsima B.1 tal-Parti I tal-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(b)

l-eliminazzjoni tad-diossidu tal-kubrit bi proċessi fiżiċi skont il-punt 8 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009;

(c)

it-trattament bl-elettrodijaliżi biex tiġi żgurata l-istabbilizzazzjoni tartarika tal-inbid skont il-punt 36 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009;

(d)

id-dealkolizzazzjoni parzjali tal-inbid skont il-punt 40 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009;

(e)

it-trattament bl-iskambjaturi tal-katjoni biex tiġi żgurata l-istabbilizzazzjoni tartarika tal-inbid skont il-punt 43 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009.

3.3.

L-użu tal-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi li ġejjin huwa permess bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

trattamenti bis-sħana skont il-punt 2 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, sakemm it-temperatura ma taqbiżx il-75 °C;

(b)

ċentrifugar u filtrazzjoni b’aġent filtranti inert jew mingħajru skont il-punt 3 tal-Anness I A tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, sakemm id-daqs tal-pori ma jkunx iżgħar minn 0,2 mikrometri.

3.4.

Kull emenda mdaħħla wara l-1 ta’ Awwissu 2010, li jikkonċerna l-prattiki, il-proċessi u t-trattamenti enoloġiċi previsti fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jew fir-Regolament (KE) Nru 606/2009 tista biss tapplika għall-produzzjoni organika tal-inbid wara li dawk il-miżuri jkunu ġew inklużi kif permess f’din it-Taqsima u, jekk meħtieġ, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament.

Parti VII: Il-ħmira użata bħala ikel jew għalf

Minbarra r-regoli ġenerali tal-produzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 9, 11, 16, 17 u 19, ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw għall-produzzjoni organika tal-ħmira li tintuża bħala ikel jew għalf.

1.   Rekwiżiti ġenerali

1.1.

Għall-produzzjoni tal-ħmira organika, għandhom jintużaw biss substrati organiċi prodotti b’mod organiku. Madankollu, sal-31 ta’ Diċembru 2023, hija permessa ż-żieda għal 5 % ta’ estratt jew awtoliżat tal-ħmira mhux organiku mas-substrat (ikkalkulat bħala piż ta’ materja niexfa) għall-produzzjoni tal-ħmira organika fejn l-operaturi ma jkunux jistgħu jiksbu estratt jew awtoliżat tal-ħmira mill-produzzjoni organika.

1.2.

Il-ħmira organika ma għandhiex tkun preżenti fl-ikel jew fl-għalf organiku flimkien ma’ ħmira mhux organika.

1.3.

Il-prodotti u s-sustanzi li jidhru hawn taħt jistgħu jintużaw fil-produzzjoni, fil-konfezzjoni u fil-formulazzjoni tal-ħmira organika:

(a)

għajnuniet għall-ipproċessar awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-produzzjoni organika;

(b)

prodotti u sustanzi msemmija fil-punti (a), (b) u (e) tal-punt 2.2.2 tal-Parti IV.

1.4.

Huma biss dawk il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni li huma awtorizzati skont l-Artikolu 24 għall-użu fl-ipproċessar li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

(1)  1. Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1).

(2)  2. Regolament (KE) Nru 1099/2009 tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2008/119/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-għoġġiela (ĠU L 10, 15.1.2009, p. 7).

(4)  Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

(6)  Il-prassi tajba ta’ manifattura (GMPs) kif definita fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta’ Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta’ manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 75).

(7)  Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/125/KE tal-5 ta’ Diċembru 2006 dwar ikel ipproċessat ibbażat fuq iċ-ċereali u ikel tat-trabi għat-trabi u għat-tfal żgħar (ĠU L 339, 6.12.2006, p. 16).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta’ ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).


ANNESS III

IL-ĠBIR, L-IMBALLAĠĠ, IT-TRASPORT U L-ĦAŻNA TAL-PRODOTTI

1.   Il-ġbir tal-prodotti u t-trasport lejn l-unitajiet ta’ preparazzjoni

L-operaturi jistgħu jwettqu l-ġbir simultanju ta’ prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi, biss meta jkunu twettqu miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ kull taħlit jew skambju possibbli bejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi u biex tkun żgurata l-identifikazzjoni tal-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni. L-operatur għandu jżomm l-informazzjoni marbuta mal-jiem, is-sigħat u ċ-ċirkwit tal-ġbir, kif ukoll id-data u l-ħin li fihom ikunu waslu l-prodotti disponibbli għall-awtorità jew għall-korp ta’ kontroll.

2.   L-imballaġġ u t-trasport ta’ prodotti lejn operaturi jew unitajiet oħra

2.1.

L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni jkunu ttrasportati lejn operaturi jew unitajiet oħrajn, li jinkludu bejjiegħa bl-ingrossa u bejjiegħa bl-imnut, biss f’imballaġġ, kontenituri jew vetturi addattati u magħluqa b’tali mod li ma tkunx possibbli s-sostituzzjoni tal-kontenut mingħajr manipulazzjoni jew ħsara lis-siġill u b’tikketta li tkun tiddikjara, mingħajr ħsara għal kull indikazzjoni oħra meħtieġa skont il-liġi tal-Unjoni:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-operatur u, meta dawn ikunu differenti, tas-sid jew tal-bejjiegħ tal-prodott;

(b)

l-isem tal-prodott jew deskrizzjoni tal-prodott tal-għalf kompost b’referenza miegħu għall-metodu ta’ produzzjoni organika;

(c)

l-isem jew in-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew tal-korp ta’ kontroll li l-operatur huwa soġġett għalih; u

(d)

meta rilevanti, il-marka tal-identifikazzjoni tal-lott skont sistema ta’ mmarkar li tkun jew approvata f’livell nazzjonali jew miftiehma mal-awtorità jew mal-korp ta’ kontroll u li tippermetti li ssir konnessjoni bejn il-lott u r-rekords imsemmija fl-Artikolu 34(5).

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tista’ wkoll tkun ippreżentata fuq dokument ta’ akkumpanjament, jekk dan id-dokument jista’ mingħajr ebda dubju jinvoka l-konnessjoni mal-ippakkjar, mal-kontenitur jew mat-trasport bil-vettura, tal-prodott. Dan id-dokument ta’ akkumpanjament għandu jinkludi informazzjoni dwar il-fornitur jew it-trasportatur.

2.2.

Ma għandux ikun meħtieġ li l-imballaġġ, il-kontenituri jew il-vetturi jkunu magħluqa meta:

(a)

it-trasport isir direttament bejn żewġ operaturi, li huma t-tnejn soġġetti għas-sistema tal-kontroll organiku;

(b)

It-trasport jinkludi biss prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni;

(c)

il-prodotti jkollhom magħhom dokument li jagħti l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt 2.1; u

(d)

kemm l-operaturi li jibagħtu kif ukoll dawk li jirċievu għandhom iżommu rekords dokumentati ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ trasport disponibbli għall-awtorità jew il-korp ta’ kontroll.

3.   Regoli speċjali għat-trasport tal-għalf lejn unitajiet oħrajn ta’ produzzjoni jew ta’ preparazzjoni jew lejn postijiet tal-ħżin

Meta l-għalf ikun qed jiġi ttrasportat lejn unitajiet oħrajn tal-produzzjoni jew tal-preparazzjoni jew lejn postijiet tal-ħżin, l-operaturi għandhom jiżguraw li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

matul it-trasport, l-għalf prodott b’mod organiku, l-għalf fil-fażi ta’ konverżjoni, u l-għalf mhux organiku jkunu separati fiżikament b’mod effettiv;

(b)

il-vetturi jew il-kontejners li jkunu ttrasportaw prodotti mhux organiċi jintużaw biss biex jittrasportaw il-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni jekk:

(i)

ikunu twettqu miżuri addattati ta’ tindif, li l-effikaċja tagħhom tkun ġiet ivverifikata qabel il-bidu tat-trasport tal-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni u l-operaturi jżommu rekords ta’ dawk l-operazzjonijiet;

(ii)

ikunu implimentati l-miżuri addattati kollha, skont ir-riskji evalwati bi qbil mal-arranġamenti tal-kontroll, u fejn jeħtieġ, l-operaturi jiggarantixxu li prodotti mhux organiċi ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq b’indikazzjoni li tkun tirreferi għal produzzjoni organika;

(iii)

l-operatur iżomm rekords dokumentati ta’ dawn l-operazzjonijiet ta’ trasport għad-disponibbiltà tal-awtorità jew tal-korp ta’ kontroll;

(c)

it-trasport ta’ għalf organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni li jkun tlesta jkun separat fiżikament jew fiż-żmien mit-trasport ta’ prodotti lesti oħrajn;

(d)

matul it-trasport, il-kwantità ta’ prodotti fil-bidu u kull kwantità individwali kkonsenjata matul ir-ronda tal-konsenji jkunu rreġistrati.

4.   It-trasport tal-ħut ħaj

4.1.

Il-ħut ħaj għandu jkun trasportat f’tankijiet adatti li jkun fihom ilma nadif li jissodisfa l-ħtiġijiet fiżjoloġiċi tagħhom f’termini tat-temperatura u tal-ossiġnu maħlul.

4.2.

Qabel ma l-ħut u l-prodotti tal-ħut organiċi jkunu trasportati, it-tankijiet għandhom jitnaddfu, jkunu ddiżinfettati u jitlaħalħu sewwa.

4.3.

Għandhom jittieħdu prekawzjonijiet sabiex jitnaqqas l-istress. Waqt it-trasport, id-densità ma għandhiex tilħaq livell li jkun ta’ ħsara għall-ispeċi.

4.4.

Għandhom jinżammu rekords tal-operazzjonijiet imsemmija fil-punti 4.1, 4.2 u 4.3.

5.   Meta jaslu prodotti minn operaturi ta’ unitajiet oħrajn

Meta l-operatur jirċievi prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni, huwa għandu jivverifika l-għeluq tal-imballaġġ, tal-kontenitur jew vettura meta dan ikun meħtieġ u l-preżenza tal-indikazzjonijiet previsti fit-Taqsima 2.

L-operatur għandu jagħmel kontroverifika tal-informazzjoni fuq it-tikketta msemmija fit-Taqsima 2 mal-informazzjoni fuq id-dokumenti ta’ akkumpanjament. Ir-riżultat ta’ dawn il-verifiki għandu jissemma espliċitament fir-rekords imsemmija fl-Artikolu 34(5).

6.   Regoli speċjali għal meta jaslu prodotti minn pajjiż terz

Meta l-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni jiġu importati minn pajjiż terz, dawn għandhom jitwasslu f’imballaġġ jew f’kontenituri addattati, magħluqa b’tali mod li tevita s-sostituzzjoni tal-kontenut, u li jkollha l-identifikazzjoni tal-esportatur u kull marka u numru oħrajn li jservu biex ikun identifikat il-lott, u għandu jkun akkumpanjat biċ-ċertifikat ta’ kontroll għall-importazzjoni minn pajjiżi terzi fejn xieraq.

Malli tirċievi prodott organiku jew fil-fażi ta’ konverżjoni importat minn pajjiż terz, il-persuna fiżika jew ġuridika li lilha ntbagħtet il-konsenja importata u li tirċeviha biex tkompli l-preparazzjoni tal-prodott jew biex tikkummerċjalizzah għandha tivverifika li l-imballaġġ jew il-kontenitur kienu magħluqin, u fil-każ ta’ prodotti importati skont il-punt (b)(iii) tal-Artikolu 45(1), għandha tivverifika li ċ-ċertifikat tal-ispezzjoni msemmi f’dak l-Artikolu jkopri t-tip ta’ prodott li jkun hemm fil-konsenja. Ir-riżultat ta’ din il-verifika għandu jkun espliċitament imsemmi fir-rekords imsemmija fl-Artikolu 34(5).

7.   Il-ħżin tal-prodotti

7.1.

Iż-żoni għall-ħżin tal-prodotti għandhom ikunu ġestiti b’tali mod li tkun żgurata l-identifikazzjoni tal-lottijiet u jkun evitat kull taħlit bi prodotti jew sustanzi li ma jkunux jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni organika u kull kontaminazzjoni minnhom. Il-prodotti organiċi u dawk fil-fażi ta’ konverżjoni għandhom ikunu identifikabbli b’mod ċar f’kull ħin.

7.2.

L-ebda prodott jew sustanza minbarra dawk awtorizzati skont l-Artikoli 9 u 24 li tkun destinata għall-użu fil-produzzjoni organika ma tista’ tinħażen fl-unitajiet tal-produzzjoni ta’ pjanti u ta’ bhejjem organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni.

7.3.

Prodotti mediċinali veterinarji allopatiċi, inkluż antibijotiċi, jistgħu jinħażnu fl-azjendi agrikoli u tal-akkwakultura sakemm ikunu ġew preskritti minn veterinarju b’konnessjoni mat-trattament imsemmi fil-punti 1.5.2.2 tal-Parti II u 3.1.4.2(a) tal-Parti III tal-Anness II, jinħażnu f’post issorveljat u jitniżżlu fir-rekords imsemmija fl-Artikolu 34(5).

7.4.

Fejn l-operaturi jqandlu prodotti organiċi, jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni jew dawk mhux organiċi fi kwalunkwe kombinazzjoni u l-prodotti organiċi jew dawk fil-fażi ta’ konverżjoni jinħażnu f’faċilitajiet tal-ħżin fejn ikun hemm maħżuna wkoll prodotti agrikoli jew oġġetti tal-ikel:

(a)

il-prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni għandhom jinżammu separati mill-prodotti agrikoli l-oħrajn jew mill-oġġetti tal-ikel;

(b)

għandha tittieħed kull miżura biex tkun żgurata l-identifikazzjoni tal-konsenji u biex ikunu evitati t-taħlit jew l-iskambji bejn prodotti organiċi, dawk fil-fażi ta’ konverżjoni u dawk mhux organiċi;

(c)

qabel il-ħżin ta’ prodotti organiċi jew fil-fażi ta’ konverżjoni għandhom ikunu twettqu miżuri xierqa ta’ tindif li l-effikaċja tagħhom tkun ġiet ivverifikata, u l-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ dawk l-operazzjonijiet.

7.5.

Huma biss dawk il-prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni awtorizzati li huma skont l-Artikolu 24 għall-użu fil-faċilitajiet ta’ ħżin li għandhom jintużaw għal dak l-iskop.

ANNESS IV

TERMINI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 30

BG

:

биологичен

ES

:

ecológico, biológico, orgánico.

CS

:

ekologické, biologické.

DA

:

økologisk.

DE

:

ökologisch, biologisch.

ET

:

mahe, ökoloogiline.

EL

:

βιολογικό.

EN

:

organic.

FR

:

biologique.

GA

:

orgánach.

HR

:

ekološki.

IT

:

biologico.

LV

:

bioloģisks, ekoloģisks.

LT

:

ekologiškas.

LU

:

biologesch, ökologesch.

HU

:

ökológiai.

MT

:

organiku.

NL

:

biologisch.

PL

:

ekologiczne.

PT

:

biológico.

RO

:

ecologic.

SK

:

ekologické, biologické.

SL

:

ekološki.

FI

:

luonnonmukainen.

SV

:

ekologisk.


ANNESS V

IL-LOGO U N-NUMRI TAL-KODIĊI TAL-PRODUZZJONI ORGANIKA TAL-UNJONI EWROPEA

1.   Il-logo

1.1.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jikkonforma mal-mudell ta’ hawn taħt:

Image

1.2.

Il-kulur ta’ referenza fil-Pantone huwa Pantone Aħdar bin-numru 376 u Aħdar (50 % Cyan + 100 % Isfar), meta jintuża proċess ta’ erba’ kuluri.

1.3.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża wkoll bl-abjad u l-iswed kif muri, iżda biss fejn ma jkunx prattikabbli li jsir bil-kulur:

Image

1.4.

Jekk il-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta jkun skur, is-simboli jistgħu jintużaw fil-format negattiv, billi jintuża l-kulur tal-isfond tal-imballaġġ jew tat-tikketta.

1.5.

Jekk simbolu jintuża bil-kulur fuq sfond bil-kulur li jagħmlu diffiċli biex jintgħaraf, għandu jintuża ċirku estern ta’ delinjazzjoni madwar is-simbolu biex jittejjeb il-kuntrast mal-kuluri tal-isfond.

1.6.

Fejn ikun hemm indikazzjonijiet b’kulur uniku fuq l-imballaġġ, il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jintuża bl-istess kulur.

1.7.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea għandu jkun ta’ tul ta’ mill-inqas 9 mm u ta’ wisa’ ta’ mill-inqas 13,5 mm; il-proporzjon bejn it-tul u l-wisa’ dejjem għandu jkun 1:1,5. B’mod eċċezzjonali, id-daqs minimu jista’ jitnaqqas għal tul ta’ 6 mm għal imballaġġi żgħar ħafna.

1.8.

Il-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jista’ jkun assoċjat ma’ elementi grafiċi jew testwali li jirreferu għall-produzzjoni organika bil-kundizzjoni li dawn ma jimmodifikawx jew ibiddlu l-karattru tal-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea, u lanqas ta’ xi waħda mill-indikazzjonijiet definiti skont l-Artikolu 32. Meta l-logo tal-produzzjoni organika tal-Unjoni Ewropea jkun assoċjat ma’ logos nazzjonali jew privati li jużaw kulur aħdar differenti mill-kulur ta’ referenza msemmi fil-punt 1.2, jista’ jintuża dak il-kulur li mhuwiex ta’ referenza fil-logo.

2.   In-numri tal-kodiċi

Il-format ġenerali tan-numri tal-kodiċi huwa kif ġej:

AB-CDE-999

fejn:

(a)

‘AB’ huwa l-kodiċi tal-ISO għall-pajjiż fejn ikunu qegħdin jitwettqu l-kontrolli;

(b)

‘CDE’ huwa terminu, indikat bi tliet ittri li tiddeċiedi dwarhom il-Kummissjoni jew kull Stat Membru, bħal “bio” jew “öko” jew “org” jew “eko” li jistabbilixxu konnessjoni mal-produzzjoni organika; u

(c)

‘999’ huwa n-numru ta’ referenza indikat b’massimu ta’ tliet ċifri, li ser jiġi assenjat minn:

(i)

l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru lill-awtoritajiet jew lill-korpi ta’ kontroll li lilhom tkun iddelegat kompiti ta’ kontroll;

(ii)

il-Kummissjoni, lil:

l-awtoritajiet u l-korpi ta’ kontroll rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 46,

lill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 48.


ANNESS VI

MUDELL TA’ ĊERTIFIKAT

Ċertifikat skont l-Artikolu 35(1) ta’ Regolament (UE) Nru 2018/848 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi

Image

Test ta 'immaġni

1. Numru tad-dokument:

2. (immarka kaxxa waħda kif adatt)

Operatur

Grupp ta’ operaturi - ara l-anness

3. L-isem u l-indirizz tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi:

4. Attività/ajiet tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi (agħżel kif adatt):

Produzzjoni agrikola

Preparazzjoni

Distribuzzjoni

Ħżin

Importazzjoni

Esportazzjoni

Tqegħid fis-suq

5. L-isem, l-indirizz u n-numru tal-kodiċi tal-awtorità ta’ kontroll jew tal-korp ta’ kontroll tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi:

6. Kategorija/i ta’ prodotti kif imsemmija fl-Artikolu 35(7) tar-Regolament (UE) Nru 2018/848 u metodi ta’ produzzjoni (agħżel kif adatt):

pjanti u prodotti tal-pjanti mhux proċessati, inkluż żrieragħ u materjal ieħor tar-riproduzzjoni tal-pjanti

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni organika ħlief matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) ta’ Regolament (UE) 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

bhejjem u prodotti minn bhejjem mhux proċessati

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni organika ħlief matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) ta’ Regolament (UE) 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

alga u prodotti mhux proċessati tal-akkwakultura

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni organika ħlief matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni matul il-perijodu tal-konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) ta’ Regolament (UE) 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

Image

Test ta 'immaġni

prodotti agrikoli proċessati, inkluż prodotti tal-akkwakultura, għall-użu bħala ikel

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni ta’ prodotti organiċi

produzzjoni ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) Nru 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

għalf

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni ta’ prodotti organiċi

produzzjoni ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) ta’ Regolament (UE) 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

inbid

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni ta’ prodotti organiċi

produzzjoni ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) Nru 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

prodotti oħra elenkati fl-Anness I ta’ Regolament (UE) 2018/848 jew mhux koperti minn kategoriji preċedenti (jekk jogħġbok speċifika):

Metodu ta’ produzzjoni:

produzzjoni ta’ prodotti organiċi

produzzjoni ta’ prodotti fil-fażi ta’ konverżjoni

produzzjoni organika bi produzzjoni mhux organika (skont l-Artikolu 9(7) tar-Regolament (UE) Nru 2018/848 jew fil-każ ta’ preparazzjoni, distribuzzjoni, ħżin, importazzjoni, esportazzjoni, tqegħid fis-suq)

Perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat minn … sa …

Dan id-dokument inħareġ skont ir-Regolament (UE) 2018/848 biex jiċċertifika li l-operatur jew il-grupp ta’ operaturi (agħżel kif adatt) jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament.

Data u post:

Firma f’isem l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll emittenti:

Anness – Lista tal-membri tal-grupp ta’ operaturi kif definit fl-Artikolu 36 ta’ Regolament (UE) 2018/848

Isem il-membru

Indirizz

 

 

 

 

 

 


DIRETTIVI

14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/93


DIRETTIVA (UE) 2018/849 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttivi 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw, 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, u 2012/19/UE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni jenħtieġ li jittejjeb, bil-ħsieb li titħares, tinżamm u titjieb il-kwalità tal-ambjent, tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, tkun żgurata utilizzazzjoni prudenti, effiċjenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li jiġu promossi l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari.

(2)

Biex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-istabbilimenti u l-intrapriżi ż-żgħar, jenħtieġ li tiġi introdotta simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ permess u reġistrazzjoni għal stabbilimenti u intrapriżi żgħar.

(3)

Ir-rapporti tal-implimentazzjoni li jħejju l-Istati Membri kull tliet snin urew li mhumiex għodda effettiva biex tkun verifikata l-konformità jew żgurata implimentazzjoni tajba, u dawn qed joħolqu piżijiet amministrattivi żejda. Għaldaqstant, jixraq li jitħassru d-dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jipproduċu tali rapporti. Minflok, il-monitoraġġ tal-konformità jenħtieġ li jissejjes esklussivament fuq data li l-Istati Membri jirrappurtaw kull sena lill-Kummissjoni.

(4)

Id-data li jirrappurtaw l-Istati Membri hi essenzjali biex il-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar l-iskart fost l-Istati Membri. Il-kwalità, l-affidabbiltà u l-paragunabbiltà tad-data jenħtieġ li jittejbu billi jiġi introdott punt ta’ dħul uniku għad-data kollha dwar l-iskart, billi jitħassru r-rekwiżiti ta’ rappurtar li m’għadhomx jgħoddu, billi ssir valutazzjoni komparattiva tal-metodoloġiji nazzjonali tar-rappurtar, u billi jiġi introdott rapport ta’ verifika tal-kwalità tad-data.

(5)

Ir-rappurtar affidabbli tad-data dwar l-immaniġġjar tal-iskart huwa kruċjali għal implimentazzjoni effiċjenti u biex ikunu żgurati l-paragunabbiltà tad-data fost l-Istati Membri. Għaldaqstant, meta jirrappurtaw dwar il-ksib tal-miri stipulati fid-Direttivi 2000/53/KE (4), 2006/66/KE (5) u 2012/19/UE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw l-aktar regoli riċenti żviluppati mill-Kummissjoni u l-metodoloġiji żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rispettivi responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawk id-Direttivi.

(6)

Il-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tapplika bħala ordni ta’ prijorità fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart. Meta jikkonformaw mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkunsidraw l-ordni tal-prijoritajiet tal-ġerarkija tal-iskart u jiżguraw l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-prijoritajiet.

(7)

Fil-kuntest tal-impenn tal-Unjoni li twettaq it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, id-Direttivi 2000/53/KE, 2006/66/KE u 2012/19/UE jenħtieġ li jiġu rieżaminati u, jekk meħtieġ, jiġu emendati, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni tagħhom u tiġi kkunsidrata, fost l-oħrajn, il-fattibbiltà li jiġu stabbiliti miri għal materjali speċifiċi fil-flussi tal-iskart rilevanti. Matul ir-rieżami tad-Direttiva 2000/53/KE, jenħtieġ li tingħata attenzjoni wkoll lill-problema tal-vetturi li m’għadhomx jintużaw li mhumiex meqjusin, inkluż il-vjeġġi ta’ vetturi użati suspettati li huma vetturi li m’għadhomx jintużaw, u lill-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Korrispondenti Nru 9 dwar vjeġġi ta’ vetturi tal-iskart. Matul ir-rieżami tad-Direttiva 2006/66/KE, jenħtieġ li jitqies ukoll l-iżvilupp tekniku ta’ tipi ġodda ta’ batteriji li ma jużawx sustanzi perikolużi.

(8)

Sabiex tiġi emendata jew issupplimentata d-Direttiva 2000/53/KE u tiġi emendata d-Direttiva 2012/19/UE, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-punt (b) tal-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 5(5), 6(6) u 8(2) tad-Direttiva 2000/53/KE, kif emendata b’din id-Direttiva, u l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2012/19/UE, kif emendata b’din id-Direttiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (8). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(9)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/53/KE fir-rigward tal-Artikoli 7(2) u 9(1d) tagħha kif emendata b’din id-Direttiva, u għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/19/UE fir-rigward tal-Artikolu 16(9) tagħha kif emendata b’din id-Direttiva, jenħtieġ li tiġi konferita lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(10)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva – jiġifieri li ttejjeb l-immaniġġjar tal-iskart fl-Unjoni, u b’hekk biex tikkontribwixxi għall-protezzjoni, il-preżervazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll għall-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali – ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-iskala u l-effetti tal-miżuri, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(11)

Id-Direttivi 2000/53/KE, 2006/66/KE u 2012/19/UE jenħtieġ li għalhekk jiġu emendati skont dan.

(12)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar dokumenti ta’ spjegazzjoni (10), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda tad-Direttiva 2000/53/KE

Id-Direttiva 2000/53/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 4(2), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 9a, biex temenda l-Anness II fuq bażi regolari sabiex tadattah għall-progress tekniku u xjentifiku, bil-għan li:

(i)

skont kif ikun meħtieġ, tistabbilixxi valuri ta’ konċentrazzjoni massimi safejn għandha tiġi ttollerata l-eżistenza tas-sustanzi msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu f’materjali u komponenti speċifiċi tal-vetturi;

(ii)

teżenta ċerti materjali u komponenti ta’ vetturi mill-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jekk l-użu tas-sustanzi msemmija f’dak il-punt ikun inevitabbli;

(iii)

tħassar materjali u komponenti tal-vetturi mill-Anness II jekk l-użu tas-sustanzi msemmija fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jkun evitabbli;

(iv)

tispeċifika, fir-rigward tal-punti (i) u (ii), dawk il-materjali u komponenti tal-vetturi li jistgħu jitneħħew qabel ma jgħaddu minn trattament ulterjuri u tobligahom jiġu ttikkettati jew li jsiru identifikabbli b’mezzi oħrajn xierqa.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull sustanza, materjal jew komponent ikkonċernati mill-punti (i) sa (iv).”;

(2)

fl-Artikolu 5, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirrikonoxxu b’mod reċiproku u jaċċettaw iċ-ċertifikati ta’ distruzzjoni maħruġa fi Stati Membri oħra skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9a biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikat ta’ distruzzjoni.”;

(3)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vetturi li m’għadhomx jintużaw ikunu maħżuna (anke temporanjament) u trattati skont il-ġerarkija tal-iskart u r-rekwiżiti ġenerali stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1), u b’konformità mar-rekwiżiti tekniċi minimi stipulati fl-Anness I għal din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-regolamenti nazzjonali dwar is-saħħa u l-ambjent.

(*1)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).”;"

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9a, biex temenda l-Anness I sabiex tadattah għall-progress tekniku u xjentifiku.”;

(4)

fl-Artikolu 7(2), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar ir-regoli dettaljati meħtieġa għall-kontroll tal-konformità tal-Istati Membri mal-miri stabbiliti fl-ewwel subparagrafu. ta’ dan il-paragrafu. Fit-tħejjija ta’ dawn ir-regoli, il-Kummissjoni għandha tqis il-fatturi rilevanti kollha, fost l-oħrajn, id-disponibbiltà tad-data u l-kwistjoni tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ vetturi li m’għadhomx jintużaw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(5)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 9a biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-istandards imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fit-tħejjija ta’ dawn l-istandards, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħidma li qed titwettaq f’dan il-qasam fil-fora internazzjonali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tikkontribwixxi għal din il-ħidma kif xieraq.”;

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jitħassar;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(2).

Għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data għandha tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 1d ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel perijodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 1d ta’ dan l-Artikolu, u għandu jkopri d-data għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

1b.   Id-data li jirrapportaw l-Istati Membri skont il-paragrafu 1a għandha tkun akkumpanjata b’rapport ta’ verifika tal-kwalità.

1c.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-data rappurtata skont il-paragrafu 1a, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tal-eżami mill-ġdid tagħha. Ir-rapport għandu jivvaluta l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

1d.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data msemmija fil-paragrafu 1a ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).”;

(7)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikoli 5(5), 6(6) u 8(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-4 ta’ Lulju 2018. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2) u fl-Artikoli 5(5), 6(6) u 8(2) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*2).

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 5(5), 6(6) u 8(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(*2)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”;"

(8)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

Rieżami

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid din id-Direttiva u, għal dak il-għan, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat, fejn xieraq, minn proposta leġislattiva.”;

(9)

l-Artikolu 11 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

2.   Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta l-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

Artikolu 2

Emenda tad-Direttiva 2006/66/KE

Id-Direttiva 2006/66/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw ir-rati ta’ ġbir fuq bażi annwali skont l-iskema stabbilita fl-Anness I għal din id-Direttiva. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*4), l-Istati Membri għandhom jittrasmettu b’mod elettroniku rapporti lill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena tar-rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Ir-rapporti għandhom jindikaw kif inkisbet id-data neċessarja biex tiġi kkalkulata r-rata tal-ġbir.

(*4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2002 dwar l-Istatistika fuq l-Iskart (ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1.”;"

(2)

fl-Artikolu 12, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-livelli ta’ riċiklaġġ miksuba f’kull sena tal-kalendarju kkonċernata u dwar jekk l-effiċjenzi tar-riċiklaġġ imsemmija fl-Anness III, Parti B inkisbux. Huma għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku lill-Kummissjoni fi żmien 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data.”;

(3)

l-Artikolu 22 jitħassar;

(4)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 22a

Inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart

Sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stipulati f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk imsemmija fl-Anness IVa għad-Direttiva 2008/98/KE jew instrumenti u miżuri oħra xierqa.”;

(5)

l-Artikolu 23 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u l-impatt tagħha fuq l-ambjent u fuq il-funzjonament tas-suq intern.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tinkludi evalwazzjoni ta’ dawn l-aspetti ta’ din id-Direttiva:”.

Artikolu 3

Emenda tad-Direttiva 2012/19/UE

Id-Direttiva 2012/19/UE hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 16 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 huwa mħassar;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, għal kull sena kalendarja, id-data dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 4.

Huma għandhom jirrappurtaw id-data b’mod elettroniku sa 18-il xahar minn tmiem is-sena ta’ rappurtar li għaliha tkun inġabret id-data. Id-data trid tiġi rrappurtata fil-format stabbilit mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 9.

L-ewwel perijodu ta’ rappurtar għandu jibda fl-ewwel sena kalendarja sħiħa wara l-adozzjoni tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-format għar-rappurtar, skont il-paragrafu 9, u għandu jkopri d-data għal dak il-perjodu ta’ rappurtar.

7.   Id-data li jirrapportaw l-Istati Membri skont il-paragrafu 6 għandha tkun akkumpanjata b’rapport ta’ verifika tal-kwalità.

8.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-data rappurtata skont il-paragrafu 6, u tippubblika rapport dwar ir-riżultat tar-rieżami tagħha. Ir-rapport għandu jevalwa l-organizzazzjoni tal-ġbir tad-data, is-sorsi tad-data u l-metodoloġija użata fl-Istati Membri, kif ukoll il-kompletezza, l-affidabbiltà, il-puntwalità u l-konsistenza ta’ dik id-data. Il-valutazzjoni tista’ tinkludi rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. Ir-rapport għandu jitfassal wara l-ewwel rappurtar tad-data mill-Istati Membri u kull erba’ snin wara dan.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-format għar-rappurtar tad-data msemmija fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 21(2).”;

(2)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 16a

Inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart

Sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stipulati f’din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti ekonomiċi u miżuri oħra biex jipprovdu inċentivi għall-applikazzjoni tal-ġerarkija tal-iskart bħal dawk imsemmija fl-Anness IVa għad-Direttiva 2008/98/KE jew instrumenti u miżuri oħra xierqa.”;

(3)

fl-Artikolu 19, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 20 ta’ din id-Direttiva rigward l-emendi meħtieġa sabiex tadatta l-Annessi IV, VII, VIII u IX għal din id-Direttiva u għall-progress xjentifiku u tekniku. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat separat fir-rigward ta’ kull Anness li jrid jiġi emendat. Fl-emendar tal-Anness VII għal din id-Direttiva, l-eżenzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5) għandhom jiġu kkunsidrati.

(*5)  Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).”."

Artikolu 4

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Lulju 2020. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu referenza għaliha meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

L. PAVLOVA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 98.

(2)  ĠU C 17, 18.1.2017, p. 46.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018.

(4)  Id-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).

(5)  Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38).

(7)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(8)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


14.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/100


DIRETTIVA (UE) 2018/850 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-30 ta’ Mejju 2018

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’landfills

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi: