ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 134

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
31 ta' Mejju 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/787 tal-25 ta' Mejju 2018 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/788 tat-30 ta' Mejju 2018 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/789 tal-25 ta' Mejju 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

10

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/790 tal-25 ta' April 2018 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

12

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 tal-1 ta' Marzu 2017 li jimponi dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037 ( ĠU L 56, 3.3.2017 )

19

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/787

tal-25 ta' Mejju 2018

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, jenħtieġ li l-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbiliti fl-Anness jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), bis-saħħa tar-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Oġġett (hekk imsejjaħ “ortożi bil-lazzijiet”) magħmul minn diversi biċċiet ta' materjal tessili meħjuta flimkien, b'fetħa għall-għarqub u s-swaba' tas-saqajn, b'keffa madwar il-fetħiet u t-trufijiet tal-oġġett. Il-parti tal-quddiem tal-wiċċ hija magħluqa b'ilsien li jikkonsisti minn materjal tessili magħmul bil-ganċ. Il-partijiet tessili l-oħra jikkonsistu minn diversi saffi ta' materjali tessili elastiċi magħmulin bil-ganċ.

Hemm imwaħħla mat-tessut, pjanċa tal-plastik elastiku u hija parzjalment viżibbli biss fuq barra tal-oġġett. Il-pjanċa tal-plastik tilħaq madwar il-pett u għandha eyelets tul il-quddiem tal-wiċċ tal-oġġett flimkien ma' ġanċijiet tal-lazzijiet fuq ix-xaft biex jippermettu l-issikkar tal-oġġett madwar is-sieq u l-pexxun b'lazzijiet tessili.

Il-pjanċa tal-plastik tagħti xi ftit stabbiltà lil dan l-oġġett. Madankollu hija flessibbli u, meta jiġi ssikkat bil-lazzijiet, teżerċita pressjoni fuq is-sieq u l-pexxun.

Dan l-oġġett qed jiġi ppreżentat biex jintlibes f'żarbuna u jintuża bħala faxxa għall-għaksa fil-każ ta' xi għaksa mfekka u kontużjonijiet tal-għaksa, leżjonijiet u tiċrit tal-ligamenti, u għall-prevenzjoni ta' dawn il-korrimenti, kif ukoll fil-każ ta' instabbiltà tal-ligamenti. Madankollu, ma jistax jipprekludi għalkollox moviment speċifiku tal-parti difettuża tal-ġisem.

F'riabilitazzjoni postoperatorja, dan l-oġġett jiffaċilita lill-ġisem jerfa' l-piż kollu mill-ġdid.

Ara l-istampi (*1)

6307 90 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1, 3(c) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 6307 , 6307 90 u 6307 90 10 .

L-oġġett ma jistax jiġi aġġustat għal xi diżabbiltà speċifika ta' pazjent, iżda għandu użu multifunzjonali. Dan l-oġġett huwa simili għal faxxa sempliċi tat-tessut li titgeżwer ma' ligament u li tiġi ssikkata madwar ċerti partijiet biex issir pressjoni biex jitkattar il-fejqan tal-korrimenti jew biex jiġu evitati aktar korrimenti. B'hekk jiġi żgurat li ma jsirux movimenti mhux mixtieqa subkonxjament minħabba movimenti riflessivi (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tan-Nomenklatura Magħquda (CNEN) tal-Unjoni Ewropea fit-tieni paragrafu tas-subintestatura 9021 10 10 ).

Għaldaqstant, il-karatteristiċi oġġettivi tal-oġġett huma tali li ma jiddistingwuhx minn soġġett ordinarji ta' sostenn għall-użu ġenerali, b'mod partikolari, minħabba li l-materjali li hu magħmul minnhom (materjali flessibbli), il-metodu ta' tħaddim (l-issikkar jagħmel l-pressjoni) jew l-aġġustabbiltà tal-diżabbiltajiet speċifiċi tal-pazjent (ara wkoll in-Nota 6 tal-Kapitolu 90 u s-sentenza tas-7 ta' Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, Kawżi Konġunti C-260/00 sa C-263/00, ECLI:EU:C:2002:637, il-paragrafi 39 u 45).

Barra minn hekk, l-oġġett ma jistax jiġi kklassifikat bħala “apparat ortopediku” taħt il-kodiċi NM 9021 10 10 billi, minħabba l-elastiċità tiegħu, ma jistax jipprekludi kompletament moviment speċifiku tal-parti difettuża tal-ġisem sabiex jeskludi aktar korrimenti (ara wkoll is-CNEN fit-tieni paragrafu tas-subintestatura 9021 10 10 ). Pereżempju, fil-każ ta' ligamenti mċarrtin, l-oġġett għandu jagħmilha impossibbli li l-ġog tal-għaksa jiġi inklinat anke meta l-persuna tkun miexja jew taqbeż. Madankollu, il-materjal tessili u l-materjal flessibbli tal-plastik li minnhom huwa magħmul l-oġġett ma jistgħux isostnu l-piż tal-ġisem waqt il-ġiri.

L-effett mixtieq tal-applikazzjoni tal-pressjoni jinkiseb kemm mill-plastik kif ukoll mill-materjali tessili. Għaldaqstant, iż-żewġ materjali huma ugwalment essenzjali fit-tifsira tar-regola ġenerali 3(b) għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar fl-ordni numerika fost dawk li ugwalment jimmeritawistħoqqilhom konsiderazzjoni (l-intestaturi 3926 u 6307 ).

Għaldaqstant, l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 6307 90 10 bħala “oġġetti oħrajn manifatturati ta' tessuti”.

Image


(*1)  L-istampi huma biss għal finijiet ta' informazzjoni.


31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/788

tat-30 ta' Mejju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir- Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(4) u 13(4) tiegħu,

Billi:

1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 791/2011 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping residwu ta' 62,9 % fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, iktar tard dawn il-miżuri ġew estiżi għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja u l-Indoneżja, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 (3) (“il-miżuri estiżi”). Permezz tal-istess Regolament, produttur esportatur Indjan kien eżentat minn dawn il-miżuri estiżi. Sussegwentement, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 (4) produttur esportatur Indjan ieħor ġie eżentat ukoll mill-miżuri estiżi.

(2)

Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping ġew estiżi wkoll għall-Malasja (5), it-Tajwan u t-Tajlandja (6).

(3)

Il-miżuri li attwalment huma fis-seħħ huma dazji antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 (7) wara rieżami tal-iskadenza li kkonferma t-tkomplija tal-miżuri.

2.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

(4)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) sussegwentement rċeviet talba għal eżenzjoni mill-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indja u kemm jekk le, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku.

(5)

It-talba saret fis-26 ta' Jannar 2017 minn SPG Glass Fibre PVT. LTD (“l-applikant”), produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami fl-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”). It-talba kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni għall-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni mill-miżuri estiżi sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza ppreżentata mill-applikant u qisitha suffiċjenti biex tiġġustifika li tinbeda investigazzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku. B'hekk, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni fl-1 ta' Settembru 2017 billi ppubblikat r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1514 (8) f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1514, il-Kummissjoni tat struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami kkonsenjat mill-Indja u prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku.

3.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(8)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, b'daqs taċ-ċellula ta' aktar minn 1,8 mm kemm fit-tul u kif ukoll fil-wisa' u li jiżnu aktar minn 35 g/m2, mingħajr id-diski tal-fibra tal-ħġieġ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew ikkonsenjati mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u kemm jekk le (“il-prodott taħt rieżami”), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 7019 51 00 u ex 7019 59 00.

4.   INVESTIGAZZJONI

(a)   Perjodu ta' investigazzjoni

(9)

Il-perjodu tar-rapportar kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2016 sat-30 ta' Ġunju 2017. Id-data ġiet miġbura mill-perjodu tal-investigazzjoni li wassal għall-miżuri estiżi (l-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013) sa tmiem il-perjodu tar-rapportar (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami”).

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-industrija tal-Unjoni, lill-applikant u lill-Gvern tal-Indja dwar il-bidu tar-rieżami. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu seduta ta' smigħ. Ma ġie rċevut ebda kumment u l-partijiet interessati ma talbu ebda seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni.

(11)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u rċeviet tweġiba sal-iskadenza stipulata. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat fuq il-post l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-iskopijiet tar-rieżami. Saret żjara ta' verifika fil-bini tal-applikant f'Mumbai u f'Umbergaon, l-Indja.

(b)   L-applikant

(12)

L-applikant huwa SPG Glass Fibre PVT. LTD, produttur esportatur tal-prodott taħt rieżami fl-Indja.

(c)   Is-sejbiet tal-investigazzjoni

(13)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta' eżenzjoni skont l-Artikolu 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati.

(14)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx esporta l-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni li wasslet għall-estensjoni tal-miżuri, jiġifieri mill-1 ta' April 2012 sal-31 ta' Marzu 2013.

(15)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kien relatat mal-ebda esportaturi jew produtturi Ċiniżi soġġetti għall-miżuri antidumping.

(16)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-prodott taħt rieżami u mhux involut fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni. L-applikant huwa produttur integrat li jixtri sferi tal-ħġieġ prodotti domestikament għall-produzzjoni ta' fibri tal-ħġieġ u juża dawn tal-aħħar bħala materja prima għal drappijiet b'malja miftuħa. Il-prodott finali wara nbigħ fis-suq domestiku b'mod kontinwu. Aktar reċenti, billi l-applikant għandu l-għan li jesporta l-prodotti tiegħu, saru xi tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni lil pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea.

(17)

L-investigazzjoni kkonfermat li l-applikant ma kienx qed jixtri l-prodott finali taħt rieżami mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex jerġa' jinbiegħ jew jiġi ttrażbordat għall-Unjoni.

(18)

L-applikant kien lest jipprovdi evidenza bil-miktub ta' natura kuntrattwali vinkolanti li tinkludi l-obbligu li jibgħatu l-prodott taħt rieżami lil klijent fl-Unjoni. Sa issa, ma ma kienx hemm kunsinna reali, billi kien hemm ftehim reċiproku li wieħed jistenna l-eżitu ta' dan il-proċediment qabel jipproċedi bil-kunsinni.

(19)

Is-sejbiet ta' hawn fuq kienu żvelati lill-applikant u lill-industrija tal-Unjoni, li ngħataw l-opportunità li jgħaddu xi kummenti. L-applikant sostna li huwa qabel mas-sejbiet tal-Kummissjoni.

(20)

Il-kummenti dwar l-iżvelar saru mill-industrija tal-Unjoni, li oġġezzjonat għall-eżenzjoni. B'mod partikolari, hija esprimiet dubji rigward in-natura integrata tal-produzzjoni ta' SPG, u rigward is-sejba li l-materja prima ma kinitx ta' oriġini Ċiniża. Hija kkuntestat ukoll li SPG jipprova jipproduċi l-fibra tal-ħġieġ huwa stess, peress li dan ikun jinvolvi proċess ta' tidwib antikwat bi spejjeż enerġetiċi għoljin wisq. L-industrija tal-Unjoni lmentat li l-fajl pubbliku ma kienx jippermettilha tindirizza dan it-tħassib, speċjalment fir-rigward ta' data preċedenti rreġistrata.

(21)

Il-Kummissjoni żiedet nota spjegatorja mal-fajl pubbliku li tikkonferma li l-forniment ta' ħjut u l-ftietel (roving) tal-fibra tal-ħġieġ tat-tip C miċ-Ċina lil SPG ġie sostitwit mill-produzzjoni ta' SPG innifsu ta' fibri tal-ħġieġ minn sferi tal-ħġieġ li joriġinaw mill-Indja mill-2016, meta nkiseb il-makkinarju xieraq, u dan għamel lil SPG produttur integrat tal-prodott ikkonċernat. Dawn il-fatti u ż-żieda konsegwenti fl-ispejjeż enerġetiċi ġew ikkonfermati waqt verifika fuq il-post. Madankollu, is-sejbiet ma jippermettux li tiġi ġġudikata l-adegwatezza tal-proċess tal-produzzjoni. Għalhekk, il-pretensjonijiet tal-industrija tal-Unjoni ġew miċħuda.

(d)   Konklużjonijiet

(22)

F'konformità mas-sejbiet deskritti fil-premessi minn (13) sa (18), il-Kummissjoni tikkonkludi li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku u jinħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta' kumpaniji li huma eżentati mid-dazju antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993.

(23)

L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, tibqa' valida bil-kundizzjoni li l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-eżenzjoni. Jekk l-evidenza ġdida prima facie turi mod ieħor, jista' jingħata bidu għal investigazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx iġġustifikat li l-eżenzjoni tiġi rtirata.

(24)

L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami prodott mill-applikant tiġi deċiża fuq il-bażi tas-sejbiet tar-rieżami preżenti. Din l-eżenzjoni hija għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami kkonsenjati mill-Indja u prodott mill-entità ġuridika speċifika msemmija hawn fuq. Il-prodott importat taħt rieżami prodott minn kwalunkwe kumpanija li mhijiex imsemmija b'mod speċifiku fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 bl-isem tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, jinħtieġ li ma jibbenifikawx mill-eżenzjoni u jinħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwa kif imposta minn dak ir-Regolament.

(25)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 jinħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi SPG Glass Fibre PVT. LTD fl-Artikolu 1(3) tiegħu.

(26)

Biex jibbenefika mill-eżenzjoni, jinħtieġ li tiġi pprovduta lill-awtoritajiet doganali fattura li tikkonforma ma' ċerti rekwiżiti. Ta' min jinnota li l-istess rekwiżit huwa applikabbli għal Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd and to Pyrotek India Pvt. Ltd. Dawn il-kumpaniji diġà rċevew eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ. Billi dik il-kundizzjoni ma ġietx riprodotta fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993, l-ommissjoni tiġi korretta permezz ta' dan ir-Regolament.

5.   REKWIŻITI TA' KOMITOLOĠIJA

(27)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1993 jinbidel b'dan li ej:

(1)

L-Artikolu 1(3) huwa sostitwit bis-sussegwenti:

“3.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif stipulat fil-paragrafu 2, huwa b'hekk estiż għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mill-Indja u l-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja u kemm jekk le (kodiċi TARIC 7019510014, 7019510015, 7019590014 u 7019590015) bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti minn Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC B942), Pyrotek India Pvt. Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC C051), u SPG GLASS FIBRE PVT. LTD (kodiċi addizzjonali TARIC C205), għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja u kemm jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC 7019510011 u 7019590011) u għall-importazzjonijiet tal-istess drappijiet b'malja miftuħa kkunsinjati mit-Tajwan u mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u mit-Tajlandja u kemm jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC 7019510012, 7019510013, 7019590012 u 7019590013).

L-applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija lil Montex Glass Fibre Industries Pvt. Ltd, Pyrotek India Pvt. Ltd u SPG Glass Fibre PVT Ltd għandha tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, għandu jiġi applikat id-dazju antidumping kif impost mill-paragrafu 1.”

(2)

It-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandu jiżdied mal-Anness II.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 tat-3 ta' Awwissu 2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 204, 9.8.2011, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kif ukoll jekk le (ĠU L 346, 20.12.2013, p. 20).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1507 tad-9 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 li jestendi dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ikkunsinjati, fost l-oħrajn, mill-Indja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Indja kemm jekk le (ĠU L 236, 10.9.2015, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 672/2012 tas-16 ta' Lulju 2012 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ ikkunsinjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Malasja kif ukoll jekk le (ĠU L 196, 24.7.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 21/2013 tal-10 ta' Jannar 2013 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 791/2011 dwar ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ kkunsinjati mit-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajwan u t-Tajlandja kif ukoll jekk le (ĠU L 11, 16.1.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1993 tas-6 ta' Novembru 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, it-Tajwan u t-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw f'dawn il-pajjiżi u kemm jekk le, wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 288, 7.11.2017, p. 4).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1514 tal-31 ta' Awwissu 2017 li jagħti bidu għal rieżami tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1371/2013 (li jestendi d-dazju definittiv antidumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 791/2011 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta' ċerti drappijiet b'malja miftuħa tal-fibri tal-ħġieġ, ikkonsenjati mill-Indja u mill-Indoneżja, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw mill-Indja u mill-Indoneżja kemm jekk le) għall-finijiet li tiġi ddeterminata l-possibbiltà li tingħata eżenzjoni minn dawk il-miżuri lil produttur esportatur Indjan wieħed, li jirrevoka d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur u li l-importazzjonijiet minn dak il-produttur esportatur jagħmilhom soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 226, 1.9.2017, p. 1).


ANNESS

ANNESS II

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, trid tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1.

1.

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali;

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja:

‘Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (Kodiċi addizjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f'din il-fattura hija sħiħa u korretta’;

3.

Data u firma.


DEĊIŻJONIJIET

31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/10


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/789

tal-25 ta' Mejju 2018

li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq provvista taxxabbli ta' oġġetti jew servizzi, bħala regola ġenerali, hija responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Permezz ta' ittra reġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta' Lulju 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura biex tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE (“il-miżura speċjali”) fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta' ċerti provvisti mwettqa minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha.

(3)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittri datati l-15 ta' Jannar 2018 il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba ppeżentata mill-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata s-16 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

(4)

L-Ungerija ssostni li l-persuni taxxabbli f'likwidazzjoni jew taħt proċedura ta' insolvenza ta' spiss ma jħallsux il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, ix-xerrej, li huwa persuna taxxabbli bid-dritt għat-tnaqqis, jista' xorta jnaqqas il-VAT mġarrba, u dan ikollu impatt negattiv fuq il-baġit u jippermetti li tiġi ffinanzjata l-likwidazzjoni. L-Ungerija irreġistrat ukoll każijiet ta' frodi fejn kumpanniji f'likwidazzjoni joħorġu fatturi fittizji lil kumpaniji attivi u jnaqqsu b'mod sostanzjali t-taxxa pagabbli mingħajr il-garanzija li l-emittent iħallas il-VAT dovuta.

(5)

F'konformità mal-punt (g) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssirilha l-provvista ta' proprjetà immobbli mibjugħa mid-debitur tas-sentenza fi proċedura ta' bejgħ obbligatorju (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Biex tagħmel tajjeb għat-telf fid-dħul pubbliku, l-Ungerija talbet deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE biex tkun awtorizzata ddaħħal l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti oħrajn minn persuni taxxabbli taħt proċedura ta' insolvenza, jiġifieri l-provvista ta' oġġetti kapitali u l-provvista ta' oġġetti jew servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000.

(6)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, l-għażla tar-riċevitur li jkun persuna taxxabbli bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f'dawk il-każijiet partikolari ser tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u tevita l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. L-Ungerija tqis li l-miżura speċjali ser tillimita wkoll it-telf tad-dħul pubbliku u ser tirriżulta fil-ġenerazzjoni ta' dħul addizzjonali.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Ungerija tkun atorizzata tappika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvista ta' oġġetti kapitali u l-provvista ta' oġġetti u servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000 minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha.

(8)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien.

(9)

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u n-novità tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tagħha. Għalhekk, jekk l-Ungerija tikkunsidra estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2021, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-miżura speċjali flimkien mat-talba għall-estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020.

(10)

Il-miżura speċjali ser ikollha effett negliġibbli biss fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollha impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li tistipula li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha jsirulha kwalunkwe waħda mill-provvisti li ġejjin:

(a)

il-provvista ta' oġġetti kapitali minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha;

(b)

il-provvista ta' oġġetti u servizzi oħra b'valur tas-suq miftuħ ta' aktar minn HUF 100 000 fiż-żmien tal-provvista minn persuna taxxabbli soġġetta għal likwidazzjoni jew għal kwalunkwe proċediment ieħor li jistabbilixxi legalment l-insolvenza tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

V. GORANOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/790

tal-25 ta' April 2018

dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

F'Lulju 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat pakkett ta' informazzjoni xjentifika, li jikkonsisti fil-Komunikazzjoni “Lejn aċċess aħjar għall-informazzjoni xjentifika: jingħataw spinta l-benefiċċji tal-investimenti pubbliċi fir-riċerka” (1), u f'Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/417/UE (2). Ir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE tiddikjara li l-Kummissjoni se tirrieżamina l-progress li sar fl-Unjoni biex tivvaluta jekk hemmx il-ħtieġa ta' azzjoni ulterjuri biex jinkisbu l-għanijiet stipulati.

(2)

Il-Komunikazzjoni “Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” (3) tenfasizza l-importanza tat-tixrid tad-dejta bħala katalist għat-tkabbir ekonomiku, għall-innovazzjoni u għad-diġitalizzazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (u n-negozji ġodda) u għas-soċjetà kollha kemm hi. Tirrikonoxxi li l-big data u l-computing ta' prestazzjoni għolja qed ibiddlu l-mod li bih titwettaq ir-riċerka u l-mod li bih jiġi skambjat l-għarfien, bħala parti minn tranżizzjoni lejn xjenza miftuħa aktar effiċjenti u reattiva (4). Tħabbar li l-Kummissjoni se tinkoraġġixxi l-aċċess għad-dejta pubblika biex tgħin tixpruna l-innovazzjoni u taħdem lejn cloud għar-riċerka dwar ix-xjenza miftuħa bħala parti mill-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing. Fir-rieżami tagħha ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali (5), il-Kummissjoni tħabbar l-intenzjoni tagħha li tkompli ttejjeb “l-aċċessibbiltà u l-użu mill-ġdid ta' data pubblika u ffinanzjata mis-settur pubbliku”.

(3)

Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea “Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa” (6) tippreżenta l-pjan razzjonali u wiesa' għall-iżvilupp tal-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing (EOSC) bħala ambjent fdat u miftuħ għall-komunità xjentifika għall-ħażna, għall-qsim u għall-użu mill-ġdid tad-dejta u tar-riżultati xjentifiċi. Tħabbar ukoll li l-Kummissjoni se tirrieżamina r-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha biex tinkoraġġixxi l-qsim tad-dejta xjentifika u l-ħolqien ta' skemi ta' inċentivi, sistemi ta' premjijiet u programmi ta' edukazzjoni u taħriġ għar-riċerkaturi u għan-negozji biex jikkondividu d-dejta. Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal “Implementation Roadmap for the EOSC” (7) jippreżenta r-riżultati tal-esplorazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet konċernati ta' governanza u mekkaniżmi ta' finanzjament possibbli għall-EOSC u jagħti aktar dettalji dwar il-linji ta' azzjoni għall-iżvilupp tal-EOSC bħala federazzjoni ta' infrastrutturi tad-dejta tar-riċerka.

(4)

Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) tistabbilixxi l-prinċipju li d-dejta kollha aċċessibbli miżmuma minn korp tas-settur pubbliku, jeħtieġ li tkun tista' tintuża mill-ġdid ukoll għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali mill-partijiet interessati kollha b'kundizzjonijiet mhux diskriminatorji għall-kategoriji komparabbli ta' użu mill-ġdid u bil-ħlas tal-ispiża marġinali marbuta mad-distribuzzjoni tad-dejta bħala massimu.

(5)

Il-politiki dwar l-aċċess miftuħ (9) għandhom l-għan li jipprovdu aċċess lir-riċerkaturi u lill-pubbliku ġenerali għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi evalwati bejn il-pari, għad-dejta dwar ir-riċerka u għal eżiti oħra tar-riċerka, bla ħlas, b'mod miftuħ u mhux diskriminatorju, kmieni kemm jista' jkun fil-proċess tat-tixrid, u li jippermettu l-użu u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. L-aċċess miftuħ jgħin biex titjieb il-kwalità, titnaqqas il-ħtieġa għad-duplikazzjoni bla bżonn tar-riċerka, jitħaffef il-progress xjentifiku, jgħin biex jiġġieled kontra l-frodi xjentifika, u b'mod ġenerali jista' jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni. Minbarra l-aċċess miftuħ, l-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta qed isir prattika xjentifika standard.

(6)

L-aċċess miftuħ huwa mezz ta' tixrid għar-riċerkaturi li jistgħu jiddeċiedu li jippubblikaw ix-xogħol tagħhom, b'mod partikolari fil-kuntest ta' riċerka ffinanzjata pubblikament. Is-soluzzjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji jenħtieġ li jkollhom l-għan li jiffaċilitaw it-tixrid u l-użu mill-ġdid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi.

(7)

Huwa fl-interess pubbliku li jkun hemm konservazzjoni tar-riżultati tar-riċerka xjentifika. Tradizzjonalment kienet fir-responsabbiltà tal-bibljoteki jew tal-arkivji, speċjalment il-bibljoteki nazzjonali ta' depożitu legali. Il-volum tar-riżultati tar-riċerka ġġenerati qed jikber kontinwament. Jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi, infrastrutturi u soluzzjonijiet ta' softwer li jippermettu l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka f'forma diġitali. Il-finanzjament sostenibbli għall-konservazzjoni huwa kruċjali għax l-ispejjeż għall-manutenzjoni tal-kontenut diġitali għadhom relattivament għaljin. Minħabba l-importanza tal-konservazzjoni għall-użu futur tar-riżultati tar-riċerka, l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-politiki f'dan il-qasam jenħtieġ li jiġi rrakkomandat lill-Istati Membri.

(8)

Il-progress teknoloġiku ppermetta l-ħolqien ta' infrastrutturi għar-riċerka bbażata fuq il-web stabbiliti mill-gvernijiet nazzjonali, mill-universitajiet jew mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka. Dawn jappoġġaw l-għanijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni billi jgħinu lir-riċerkaturi jiġġestixxu r-riżultati tar-riċerka tagħhom u billi jippermettu t-tixrid. Il-Komunikazzjoni dwar l-Inizjattiva Cloud Ewropea ħabbret li “il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa se jibda permezz tal-federazzjoni ta' infrastrutturi eżistenti tad-dejta xjentifika, li llum jinsabu mxerrda fost id-dixxiplini u l-Istati Membri.” Huwa xieraq li jiġu identifikati u rrakkomandati l-miżuri fil-livell nazzjonali li jenħtieġ jiffaċilitaw il-funzjonament u l-użu tajbin tal-EOSC.

(9)

Il-progress teknoloġiku tul iż-żmien ikkawża bidla kbira fid-dinja tax-xjenza lejn metodi dejjem aktar kollaborattivi, u kkontribwixxa kontinwament għal volum dejjem jikber ta' materjal xjentifiku. F'approċċ xjentifiku li qed isir dejjem aktar kollaborattiv u trasparenti, jenħtieġ li jiġi żgurat li fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u l-karriera tagħhom ir-riċerkaturi jkollhom aċċess għall-iżvilupp professjonali, inkluż permezz ta' programmi tal-edukazzjoni ogħla. Jenħtieġ ukoll li jkollhom il-possibbiltà li jiżviluppaw il-ħiliet xierqa biex jinvolvu ruħhom b'mod sħiħ fix-xjenza miftuħa, kif indikat fil-“Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali” (10).

(10)

L-inċentivi u l-premji huma aspetti importanti f'karriera professjonali. Għalkemm ir-riċerkaturi huma mħeġġa li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri, id-dixxiplini u s-setturi, u li jieħu sehem fil-kultura tal-qsim tar-riżultati tagħhom, ta' spiss dan mhuwiex ippremjat jew rifless fl-iżvilupp tal-karriera professjonali tagħhom. Qed jiġu żviluppati indikaturi trasparenti u responsabbli biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-prattiki tax-xjenza miftuħa fl-universitajiet moderni. Jistgħu jintużaw mekkaniżmi ta' ppremjar imtejba li jqisu l-metriki tal-ġenerazzjoni l-ġdida biex titkejjel aħjar il-kwalità tar-riċerka Ewropea u biex jipprovdu inċentiv ta' valur għar-riċerkaturi biex jikkondividu r-riżultat tar-riċerka tagħhom, u biex l-universitajiet isiru aktar intraprenditorjali filwaqt li titrawwem il-kompetizzjoni fis-suq intern.

(11)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jappoġġaw ix-xjenza miftuħa u l-aċċess miftuħ, kif iddikjarat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “riċerka miftuħa, intensiva fid-data u organizzata f'netwerk, bħala mutur għal innovazzjoni aktar veloċi u mifruxa” (11) u dwar “it-transizzjoni lejn sistema ta' Xjenza Miftuħa” (12).

(12)

Il-bidla lejn l-aċċess miftuħ hija sfida dinjija. L-Istati Membri kienu parti minn din l-isfida u jenħtieġ li jiġu appoġġati fit-tisħiħ ta' ambjent miftuħ u kollaborattiv tar-riċerka bbażat fuq ir-reċiproċità fil-livell dinji. Ix-xjenza miftuħa hija karatteristika ewlenija tal-politiki tal-Istati Membri għar-riċerka responsabbli u għall-innovazzjoni miftuħa. Il-politiki dwar ir-riċerka u l-finanzjament jenħtieġ li jadattaw għal ambjent ġdid fejn qed isiru disponibbli teknoloġiji diġitali ġodda.

(13)

Il-Kummissjoni tat l-eżempju billi mmassimizzat l-aċċess u l-użu mill-ġdid tar-riżultati tar-riċerka ġġenerati f'ambjent ta' xjenza miftuħa, inkluż fil-Programmi ta' Qafas, u billi applikat politika ta' dejta miftuħa għad-dejta tar-riċerka taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

(14)

Saru ħafna avvanzi fl-oqsma indirizzati fir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE u fid-dokumenti elenkati l-oħra elenkati fil-premessi preċedenti, iżda ma ntlaħqux il-miri kollha u l-progress kien irregolari fost l-Istati Membri. Huwa meħtieġ sforz akbar mill-Istati Membri kollha sabiex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Ewropa.

(15)

Din ir-Rakkomandazzjoni tibni fuq ir-Rakkomandazzjoni 2012/417/UE, u tissostitwixxiha,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi

1.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għat-tixrid tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, u għall-aċċess miftuħ għal dawn il-pubblikazzjonijiet. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw, b'konformità mal-acquis tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi kollha li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku jkunu disponibbli permezz ta' aċċess miftuħ sal-aktar tard mill-2020;

irrispettivament mill-mezz ta' pubblikazzjoni (ġurnal xjentifiku, infrastruttura diġitali, kanali tal-multimedia, jew kwalunkwe metodu ġdid u esperimentali ta' komunikazzjoni akkademika), l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku jingħata malajr kemm jista' jkun, preferibbilment fi żmien il-pubblikazzjoni, u f'kull każ sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-pubblikazzjoni (mhux aktar tard minn 12-il xahar għax-xjenzi soċjali u umanistiċi);

meta jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, it-termini għall-ħruġ ta' liċenzji użati fis-suq ma jirrestrinġux bla bżonn l-estrazzjoni tat-test u tad-dejta tal-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, b'konformità u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar id-drittijiet tal-awtur;

ir-riċerkaturi, meta jidħlu fi ftehimiet kuntrattwali ma' pubblikaturi xjentifiċi, jżommu d-drittijiet ta' propjetà intellettwali meħtieġa, inter alia, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-politika dwar l-aċċess miftuħ. Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-awtoarkivjar u l-użu mill-ġdid (notevolment permess tal-estrazzjoni tat-test u tad-dejta);

tiġi ppubblikata l-informazzjoni dwar il-ftehimiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi jew gruppi ta' istituzzjonijiet pubbliċi u pubblikaturi dwar il-provvista tal-informazzjoni xjentifika, sabiex jissaħħu t-trasparenza tas-suq u l-kompetizzjoni ġusta, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-għarfien espert u tal-informazzjoni tan-negozju (is-sigrieti tal-mestier). Dan jenħtieġ li jinkludi kull tip ta' ftehimiet li jkopru b'mod partikolari l-hekk imsejħa “offerti kbar” (jiġifieri pakketti ta' abbonamenti għal rivisti stampati u elettroniċi offruti bi prezzijiet skontati) u l-“offerti ta' tpaċija” relatati li għandhom l-għan li jiksbu tariffi skontati għall-pubblikazzjoni b'aċċess miftuħ għall-konsorzji;

il-kumpaniji innovattivi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-riċerkaturi indipendenti (pereżempju x-xjentisti ċittadini), is-settur pubbliku, l-istampa u ċ-ċittadini b'mod ġenerali jkollhom, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, l-aktar aċċess wiesa' possibbli għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi tar-riżultati tar-riċerka li tirċievi finanzjament mis-settur pubbliku sabiex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni, tingħata setgħa lis-settur pubbliku u jiġu infurmati ċ-ċittadini.

2.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istituzzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka responsabbli għall-ġestjoni tal-iffinanzjar tar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jimplimentaw il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fil-punt 1 fil-livell nazzjonali b'mod koordinat billi:

jistabbilixxu politiki istituzzjonali għat-tixrid u l-aċċess miftuħ tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, u jiġu stabbiliti pjanijiet ta' implimentazzjoni;

jinkludu rekwiżiti għall-aċċess miftuħ bħala kundizzjoni biex jingħataw ftehimiet ta' għotja jew biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju ieħor għar-riċerka, flimkien ma' mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti u azzjonijiet ta' segwitu biex jissolvew il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

jagħmlu l-finanzjament meħtieġ disponibbli għat-tixrid (li jinkludi l-aċċess miftuħ u l-użu mill-ġdid) b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju biex jippermetti li jkun hemm mezzi differenti, li jinkludu l-infrastrutturi diġitali fejn xieraq, kif ukoll metodi ġodda u esperimentali oħra ta' komunikazzjoni akkademika;

jipprovdu gwida għar-riċerkaturi dwar kif jikkonformaw mal-politiki ta' aċċess miftuħ, u jiġu appoġġati f'dan, speċjalment dwar il-ġestjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħhom biex jiżguraw l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom;

imexxu negozjati konġunti mal-pubblikaturi biex jiksbu termini trasparenti u l-aħjar termini possibbli għall-aċċess tal-pubblikazzjonijiet, li jinkludu l-użu u l-użu mill-ġdid;

jiżguraw li l-pubblikazzjonijiet li jirriżultaw mill-finanzjament pubbliku jkunu faċilment identifikabbli b'mezzi tekniċi xierqa, li jinkludu l-metadejta mehmuża ma' verżjonijiet elettroniċi tal-eżitu tar-riċerka u l-identifikaturi persistenti.

Ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, inkluż l-aċċess miftuħ

3.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka li tirriżulta minn riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, inkluż l-aċċess miftuħ. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

l-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta isir prattika xjentifika standard kmieni fil-proċess tar-riċerka meta d-dejta tiġi ġġenerata jew tinġabar, inkluż permezz tar-rekwiżiti tal-pjanijiet ta' ġestjoni tad-dejta;

id-dejta tar-riċerka li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku ssir u tibqa' traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u riutilizzabbli (“il-prinċipji FAIR”) f'ambjent sikur u fdat, permezz ta' infrastrutturi diġitali (inklużi dawk federati fil-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC), fejn rilevanti), sakemm dan ma jkunx possibbli jew ikun inkompatibbli mal-isfruttament ulterjuri tar-riċerka (“miftuħa kemm jista' jkun, magħluqa kif meħtieġ”). Dan jista' jkun minħabba raġunijiet, b'mod partikolari, ta' privatezza, sigrieti tal-mestier, sigurtà nazzjonali, interessi kummerċjali leġittimi u drittijiet ta' proprjetà intellettwali ta' partijiet terzi. Jenħtieġ li kwalunkwe dejta, għarfien espert u/jew informazzjoni irrispettivament mill-forma jew min-natura tagħhom, li jinżammu minn partijiet privati fi sħubija pubblika privata konġunta qabel l-azzjoni tar-riċerka, ma jiġux affettwati minn dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali;

meta jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi (inklużi dawk tad-dejta dinamika (fil-ħin reali)), it-termini għall-ħruġ ta' liċenzji użati fis-suq ma jirrestrinġux bla bżonn l-estrazzjoni tat-test u tad-dejta, tad-dejta tar-riċerka li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku, b'konformità u mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar id-drittijiet tal-awtur;

il-kumpaniji innovattivi, b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-riċerkaturi indipendenti (pereżempju iċ-ċittadini xjentisti), is-settur pubbliku, l-istampa u ċ-ċittadini b'mod ġenerali jkollhom, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, l-aktar aċċess wiesa' possibbli għad-dejta tar-riċerka tar-riżultati tar-riċerka li tirċievi finanzjament mis-settur pubbliku sabiex tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni, tingħata setgħa lis-settur pubbliku u jiġu infurmati ċ-ċittadini.

4.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-istituzzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka responsabbli għall-ġestjoni tal-iffinanzjar tar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jimplimentaw il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni msemmijin fil-punt 3 fil-livell nazzjonali b'mod koordinat billi:

jistabbilixxu politiki istituzzjonali għall-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, u jistabbilixxu pjanijiet ta' implimentazzjoni;

jinkludu rekwiżiti għall-pjanijiet ta' ġestjoni tad-dejta u għall-aċċess miftuħ għad-dejta tar-riċerka bħala prinċipju (“miftuħa kemm jista' jkun, magħluqa kif meħtieġ”) għall-proġetti li jipproduċu dejta tar-riċerka fil-ftehimiet ta' għotja u appoġġ finanzjarju ieħor għar-riċerka, flimkien ma' mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti u azzjonijiet ta' segwitu biex jissolvew il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità;

jagħmlu disponibbli l-finanzjament meħtieġ għall-ġestjoni tad-dejta;

jipprovdu gwida lir-riċerkaturi dwar kif jikkonformaw mal-politiki dwar il-ġestjoni tad-dejta tar-riċerka, u jappoġġawhom f'dan, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet sodi għall-ippjanar tal-ġestjoni tad-dejta u ta' infrastrutturi diġitali li jappoġġaw l-aċċess għad-dejta tar-riċerka u l-konservazzjoni tagħha;

jiżguraw li s-settijiet tad-dejta jkunu faċilment identifikabbli u jistgħu jiġu marbuta ma' settijiet ta' dejta u pubblikazzjonijiet oħra permezz ta' mekkaniżmi xierqa, u li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali biex jiġu ffaċilitati l-evalwazzjoni u l-użu xierqa tagħhom.

Konservazzjoni u użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika

5.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għat-tisħiħ tal-konservazzjoni u tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika (pubblikazzjonijiet, settijiet ta' dejta u eżiti tar-riċerka oħrajn). Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

l-istituzzjonijiet akkademiċi li jirċievu finanzjament pubbliku jiżviluppaw politiki dwar il-konservazzjoni tal-eżitu xjentifiku tagħhom;

tkun fis-seħħ sistema effettiva ta' depożitu għall-informazzjoni xjentifika elettronika, li tkopri l-pubblikazzjonijiet maħluqa b'mod diġitali u l-eżitu tar-riċerka relatat;

l-informazzjoni xjentifika magħżula għall-konservazzjoni fit-tul tiġi sorveljata kif xieraq, u jkun hemm disponibbli l-hardwer u s-softwer meħtieġa li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni;

l-identifikazzjoni unika (l-interkonnessjoni tal-eżiti tar-riċerka, tar-riċerkaturi, tal-affiljazzjonijiet u l-finanzjaturi tagħhom, u tal-kontributuri) tiġi promossa permezz ta' firxa wiesgħa ta' identifikaturi persistenti, sabiex jiġu ffaċilitati t-traċċabbiltà, ir-reproduċibbiltà u l-konservazzjoni fit-tul tar-riżultati tar-riċerka;

ikunu fis-seħħ sistemi u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' liċenzji li jkunu jistgħu jinqraw mill-magni, li jkunu kompatibbli mal-liċenzji miftuħa diġà eżistenti, li jippermettu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika li tirriżulta mir-riċerka ffinanzjata mis-settur pubbliku skont il-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-awtur applikabbli u mingħajr preġudizzju għaliha, sabiex jiġu ffaċilitati l-użu mill-ġdid u l-konservazzjoni legali;

jitrawmu l-kundizzjonijiet għall-partijiet konċernati biex joffru servizzi b'valur miżjud ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika.

Infrastrutturi għax-xjenza miftuħa

6.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi li jsostnu s-sistema għall-aċċess, għall-konservazzjoni, għall-qsim u għall-użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika u għall-promozzjoni tal-federazzjoni tagħhom fl-EOSC. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni ta' responsabbiltajiet u l-ħruġ ta' liċenzji b'mod xieraq;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawn il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali:

ir-riżorsi jiġu allokati, ingranati u mibnija biex ikunu ekonomikament effiċjenti u biex jinnovaw filwaqt li jrawmu l-kompetizzjoni fis-suq intern;

jiġu żgurati l-kwalità u l-affidabbiltà tal-infrastruttura, inkluż permezz tal-użu ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni, speċifikazzjonijiet u standards rikonoxxuti b'mod wiesa';

ir-riċerkaturi jkollhom aċċess miżjud, b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju, għar-riżorsi tar-riċerka u għas-servizzi ta' ħżin, ġestjoni, analiżi, qsim u użu mill-ġdid tal-informazzjoni xjentifika, inkluż permezz tal-EOSC, meta jkun disponibbli;

permezz tal-użu ta' indikaturi u metriki addizzjonali, l-infrastrutturi jkunu xierqa biex jiġbru l-informazzjoni li ssostni l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-ftuħ u tax-xjenza miftuħa kif ukoll tar-riċerka u tal-evalwazzjoni tal-karriera.

7.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw is-sinerġiji fost l-infrastrutturi nazzjonali, bl-EOSC u inizjattivi dinjija oħrajn billi:

jinvolvu ruħhom fid-definizzjoni ta' standards għall-aċċess tad-dejta u tas-servizzi permezz tal-EOSC, kif ukoll ta' indikaturi u metriki għall-kejl tal-impatt tar-riċerka fil-kuntest tal-EOSC;

jiggarantixxu l-interoperabbiltà tal-infrastrutturi ġodda jew aġġornati sabiex ikunu jistgħu jqisu l-iżvilupp tal-EOSC u, għalhekk, jevitaw l-emerġenza tas-silos, u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni u għall-promozzjoni tal-iskoperta xjentifika u l-kollaborazzjoni bejn id-dixxiplini u l-pajjiżi;

iħejju t-triq għall-użu tas-servizzi u għall-qsim tal-informazzjoni xjentifika permezz tal-EOSC.

Ħiliet u kompetenzi

8.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa tar-riċerkaturi u tal-persunal tal-istituzzjonijiet akkademiċi fir-rigward tal-informazzjoni xjentifika. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

jiġu pprovduti t-taħriġ u l-edukazzjoni meħtieġa dwar l-aċċess miftuħ, il-ġestjoni tar-riċerka tad-dejta, l-intendenza tad-dejta, il-konservazzjoni tad-dejta, is-sorveljanza tad-dejta u x-xjenza miftuħa, bħala parti mis-sistema ta' edukazzjoni għolja u taħriġ, fl-istadji kollha tal-karriera, u li jilħqu l-aħjar prattika fuq il-post tax-xogħol fl-industrija;

jiġu pprovduti l-promozzjoni jew l-implimentazzjoni, jew it-tnejn, ta' programmi ta' diplomi għoljin ta' profili personali ġodda fil-qasam tat-teknoloġiji għall-immaniġġar tad-dejta;

jiġu appoġġati l-iżvilupp u t-taħriġ ta' esperti tax-xjenza kompjuterizzata tad-dejta intensiva tax-xjenza kompjuterizzata, li jinkludu l-ispeċjalisti tad-dejta, it-tekniċi u l-maniġers tad-dejta.

Inċentivi u premji

9.

L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu u jimplimentaw politiki ċari (kif ippreżentati fid-dettall fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali) għall-aġġustament, fir-rigward tal-informazzjoni xjentifika, tas-sistema tal-evalwazzjoni tar-reklutaġġ u tal-karrieri għar-riċerkaturi, tas-sistema ta' evalwazzjoni għall-għotjiet tar-riċerka lir-riċerkaturi, u tas-sistema ta' evalwazzjoni għall-istituzzjonijiet li jwettqu r-riċerka. Dawk il-politiki u l-pjanijiet ta' azzjoni jenħtieġ li jipprevedu:

għanijiet u indikaturi konkreti biex ikejlu l-progress;

pjanijiet ta' implimentazzjoni, li jinkludu l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet;

ippjanar finanzjarju assoċjat.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li, bħala riżultat ta' dawk il-politiki jew il-pjanijiet ta' azzjoni:

is-sistema tal-karriera akkademika tappoġġa u tippremja lir-riċerkaturi li jieħdu sehem f'kultura ta' qsim tar-riżultati tar-riċerka tagħhom, b'mod partikolari billi jiġu żgurati l-qsim bikri u l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet tagħhom u għal eżiti tar-riċerka oħrajn;

l-istituzzjonijiet responsabbli għall-immaniġġar tal-iffinanzjar għar-riċerka pubblika u l-istituzzjonijiet akkademiċi li huma ffinanzjati mis-settur pubbliku jassistu fl-implimentazzjoni tal-politika nazzjonali billi jwaqqfu mekkaniżmi li jippermettu, ikejlu u jippremjaw il-qsim tal-informazzjoni xjentifika;

is-sistemi ta' evalwazzjoni tar-riċerka u tal-karrieri jissaħħu permezz tal-introduzzjoni ta' indikaturi u metriki addizzjonali li jistgħu jinfurmaw il-valutazzjoni tal-ftuħ, inkluż, iżda mhux biss, tal-impatt soċjali usa' tar-riċerka u fil-livell individwali ta' riċerkatur (“metriki ta' ġenerazzjoni ġdida”).

Djalogu bejn bosta partijiet konċernati dwar ix-xjenza miftuħa fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali

10.

L-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu sehem f'djalogi bejn bosta partijiet konċernati dwar it-tranżizzjoni lejn ix-xjenza miftuħa fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali fuq kull waħda mill-kwistjonijiet indirizzati fil-punti 1 sa 9.

L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li:

dawk id-djalogi jsaħħu ambjent teknoloġiku tax-xjenza miftuħa konness li jkopri l-eżiti kollha tar-riċerka mill-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tar-riċerka (id-dejta, il-pubblikazzjonijiet, is-softwer, il-metodi, il-protokolli, eċċ.);

bil-mod tinkiseb bidla sistematika lejn ix-xjenza miftuħa li tinkludi, minbarra l-bidla teknoloġika u l-effiċjenza, il-prinċipju tar-reċiproċità, bidla kulturali fost ir-riċerkaturi, kif ukoll bidla istituzzjonali fir-riċerka fost l-istituzzjonijiet akkademiċi u l-finanzjaturi lejn ix-xjenza miftuħa, inkluż kwistjonijiet bħal pereżempju l-integrità tar-riċerka u l-etika fejn japplikaw.

Koordinazzjoni strutturata tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni u segwitu ta' din ir-Rakkomandazzjoni

11.

L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom punt ta' referenza nazzjonali li l-kompiti tiegħu jkunu li:

jikkoordina l-miżuri elenkati f'din ir-Rakkomandazzjoni;

jaġixxi bħala interlokutur mal-Kummissjoni dwar mistoqsijiet relatati mal-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha, b'mod partikolari dwar id-definizzjonijiet aħjar tal-prinċipji u l-istandards komuni, il-miżuri ta' implimentazzjoni u l-modi ġodda ta' tixrid u ta' qsim tar-riżultati tar-riċerka fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

jirrapporta dwar is-segwitu ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

12.

L-Istati Membri jenħtieġ li jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-azzjoni meħuda b'risposta għall-elementi ta' din ir-Rakkomandazzjoni, 18-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mbagħad kull sentejn. Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-progress li sar fl-Unjoni biex tivvaluta jekk hemmx bżonn aktar azzjoni biex jinkisbu l-għanijiet proposti f'din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Mariya GABRIEL

Membru tal-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  COM(2012) 401 final tas-17 ta' Lulju 2012.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/417/UE tas-17 ta' Lulju 2012 dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-konservazzjoni tagħha (ĠU L 194, 21.7.2012, p. 39).

(3)  COM(2015) 192 final tas-6 ta' Mejju 2015.

(4)  Ix-xjenza miftuħa tirreferi għal approċċ ġdid għall-proċess xjentifiku bbażat fuq ħidma kooperattiva u modi ġodda għat-tixrid tal-għarfien, għat-titjib tal-aċċessibbiltà tal-eżiti tar-riċerka u għall-użu mill-ġdid tagħhom permezz tat-teknoloġiji diġitali u għodod kollaborattivi ġodda.

(5)  COM(2017) 228 final tal-10 ta' Mejju 2017.

(6)  COM(2016) 178 final tad-19 ta' April 2016.

(7)  SWD(2018) 83 final tal-14 ta' Marzu 2018.

(8)  Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(9)  L-aċċess miftuħ jirreferi għall-possibbiltà ta' aċċess u użu mill-ġdid tal-eżiti tar-riċerka diġitali bl-inqas restrizzjonijiet possibbli.

(10)  COM(2018) 22 final.

(11)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9360/15 tad-29 ta' Mejju 2015.

(12)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 9526/16 tas-27 ta' Mejju 2016.


Rettifika

31.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/19


Rettifika tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/366 tal-1 ta' Marzu 2017 li jimponi dazji kumpensatorji fuq l-importazzjoni ta' moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jtemm l-investigazzjoni dwar ir-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19(3) tar-Regolament (UE) 2016/1037

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 56 tat-3 ta' Marzu 2017 )

Fil-paġna 126, fl-Anness 1,

minflok:

“Isem il-Kumpanija

kodiċi addizzjonali TARIC

‘Years Solar Co. Ltd’

B898 ”

aqra:

“Isem il-Kumpanija

kodiċi addizzjonali TARIC

‘LERRI Solar Technology (Zhejiang) Co., Ltd.’

B898 ”