ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 108

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
27 ta' April 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/647 tas-26 ta' April 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/648 tas-26 ta' April 2018 li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

12

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/649 tat-23 ta' Jannar 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-massa tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fl-2014, l-2015 u l-2016 ( 1 )

14

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/650 tal-20 ta' April 2018 li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-petriċa fiż-żoni 8c, 9 u 10; fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1 minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Franza

16

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/651 tat-23 ta' April 2018 li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-paġella fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'dawk internazzjonali taż-żoni VI, VII u VIII minn bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża

18

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/652 tat-23 ta' April 2018 li jistabbilixxi projbizzjoni temporanja fuq is-sajd għar-redfish fiż-żona 3M tan-NAFO minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

20

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/653 tas-26 ta' April 2018 dwar l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet

22

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/654 tas-26 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)

28

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/655 tas-26 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma

29

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/656 tas-26 ta' April 2018 li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

36

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 tal-1 ta' Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea ( ĠU L 321, 7.11.2014 )

38

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/647

tas-26 ta' April 2018

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 401/2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Frar 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jikkundannaw il-ksur mifrux, sistematiku u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej bħalissa mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar/Burma u jappellaw lill-Gvern tal-Myanmar/Burma u lill-forzi tas-sigurtà biex jiżguraw li s-sigurtà, l-istat tad-dritt u r-responsabbiltà jipprevalu fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan.

(2)

F'dan il-kuntest, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/655 (2) li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK, li permezz tagħha kompla jimponi miżuri restrittivi fuq il-Myanmar/Burma fil-forma ta' projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju għall-utenti finali militari u tal-Pulizija tal-Fruntiera, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir għall-monitoraġġ ta' komunikazzjonijiet li jistgħu jintużaw għal ripressjoni interna, u miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, responsabbli għat-tfixkil fl-għoti ta' assistenza umanitarja lill-popolazzjoni ċivili fil-bżonn u responsabbli għat-tfixkil tat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 (3) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/184/PESK. Ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni (PESK) 2018/655 jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u għaldaqstant, bil-ħsieb, b'mod partikolari, li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, tenħtieġ azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex timplimentahom.

(4)

It-transitu ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn, soġġett għall-kontroll mill-partijiet involuti fil-konflitt f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, jenħtieġ li ma jiġix imxekkel. Huwa għalhekk xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) responsabbli għat-tfixkil tat-transitu rapidu u bla xkiel ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn. Jenħtieġ li tali restrizzjonijiet ma jaffettwawx bla bżonn l-għoti ta' assistenza umanitarja u jenħtieġ li jiġu applikati f'kunsiderazzjoni sħiħa tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u tar-regoli applikabbli tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 401/2013 jiġi emendat skont dan.

(6)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv u proċess ġust u d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawk id-drittijiet.

(7)

Is-setgħa li tiġi emendata l-lista fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 401/2013 jenħtieġ li tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-proċess għall-emendar u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/655.

(8)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza massima tad-dritt fl-Unjoni, jenħtieġ li l-ismijiet u data rilevanti oħra rigward persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikunu ffriżati skont dan ir-Regolament isiru pubbliċi. Jenħtieġ li kwalunkwe proċessar ta' data personali jikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 401/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizjonijiet li ġejjin japplikaw:

(a)

“pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u tinkludi b'mod partikolari:

(i)

pretensjoni għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii)

pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii)

pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

kontropretensjoni;

(v)

pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, kull fejn issir jew tingħata;

(b)

“kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' kwalunkwe forma u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili li jkunu saru bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dan il-għan, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, partikolarment garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti u kemm jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni, jew b'rabta magħha;

(c)

“awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikat fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(d)

“riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e)

“iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi biex jinġabru fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż b'bejgħ, kera jew ipotekar tagħhom, iżda mhux limitat għal dawn biss;

(f)

“iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, tibdil, użu, jew trattar ta' fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, ammont, post, sjieda, pussess, karattru, destinazzjoni tagħhom jew bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta' portafolli;

(g)

“fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivati;

(iv)

mgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, bonds ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; u

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

“assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat mat-tiswija, l-iżvilupp, il-manifattura, l-assemblaġġ, l-ittestjar, il-manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħal struzzjoni, parir, trażmissjoni ta' tagħrif jew ħiliet prattiċi jew servizzi ta' konsulenza, inklużi forom verbali ta' assistenza;

(i)

“servizzi ta' senserija” tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew forniment ta' oġġetti u teknoloġija minn pajjiż terz għal kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta' oġġetti u teknoloġija li jkunu jinsabu f'pajjiżi terzi għat-trasferiment lejn pajjiż terz ieħor;

(j)

“importazzjoni” tfisser kwalunkwe dħul ta' oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħrajn li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 349 u 355 tiegħu. Dan jinkludi, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, it-tqegħid f'żona ħielsa, it-tqegħid fi proċedura speċjali u r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, iżda jeskludi t-tranżitu u l-ħażna temporanja;

(k)

“esportazzjoni” tfisser kwalunkwe tluq ta' oġġetti mit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 349 u 355 tiegħu. Dan jinkludi, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, it-tluq ta' oġġetti li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali u t-tluq ta' oġġetti wara l-ħażna tagħhom f'żona ħielsa jew wara t-tqegħid tagħhom fi proċedura speċjali, iżda jeskludi t-tranżitu jew il-ħażna temporanja;

(l)

“esportatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha ssir dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, li tkun il-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata, ikollha kuntratt mad-destinatarju fil-pajjiż terz u jkollha s-setgħa li tiddetermina l-esportazzjoni tal-oġġett 'il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat;

(m)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 3, jitħassru l-paragrafi 3 u 4;

(3)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 3a

1.   Għandu jiġi pprojbit li jinbiegħu, jiġu fornuti, trasferiti jew esportati, direttament jew indirettament, oġġetti u teknoloġija b'użu doppju kif inkluż fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (*2), kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, jekk dawk l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu intiżi, kompletament jew parzjalment, għal użu militari, għal utenti finali militari jew għall-Pulizija tal-Fruntiera.

Meta l-utent finali jkun il-militar tal-Myanmar/Burma, kwalunkwe oġġett u teknoloġija b'użu doppju akkwistat minnu għandu jitqies li jkun għall-użu militari.

2.   Meta jiddeċiedu dwar pretensjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 428/2009, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-utent finali jista' jkun utent finali militari, il-Pulizija tal-Fruntiera jew li l-oġġetti jista' jkollhom użu finali militari.

3.   L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

4.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

li tingħata assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe utent finali tal-militar, lill-Pulizija tal-Fruntiera jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma;

(b)

li jingħata finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma' oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-għoti ta' assistenza teknika relatata, servizi ta' senserija jew servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe utent finali tal-militar, lill-Pulizija tal-Fruntiera jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma.

5.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel is-27 ta' April 2018 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

6.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, temporanjament esportati lejn il-Myanmar/Burma mill-persunal tan-NU, mill-persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 3b

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness III, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma għandhom jagħtu ebda awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-ripressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Myanmar/Burma jew kwalunkwe persuna jew entità li topera f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.   L-Anness III għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-Internet jew bit-telefown.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 3c

1.   Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 3b, għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness III, jew relatati mal-installazzjoni, il-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness III jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta' kwalunkwe software identifikati fl-Anness III, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma;

(b)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness III lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma;

(c)

il-forniment ta' kwalunkwe servizz ta' monitoraġġ jew ta' intereċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet ta' kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett ta', il-Gvern tal-Myanmar/Burma, il-korpi pubbliċi, il-koporazzjonijiet u l-aġenziji jew kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzzjoni tagħhom.

2.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizz ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b'mod partikolari bl-użu ta' tagħmir, teknoloġija jew software kif identifikat fl-Anness III, aċċess għal u twassil tad-data assoċjata ma' telekomunikazzjonijiet jew telefonati deħlin jew ħerġin ta' suġġett għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

(*2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).”"

(4)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-Artikoli 2(1), 3(2) u 3 a(1), u soġġetti għall-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I jew oġġetti u teknoloġija b'użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009, maħsuba biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ta' maniġġar ta' kriżijiet;

(b)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini; u

(c)

l-għoti ta' finanzjamenti jew ta' assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma' tagħmir, materjal, programmi u operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).”;

(5)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 4a

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu jew li huma l-proprjetà ta', jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV u V għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-beneficċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV.

3.   L-Anness IV għandu jinkludi:

(a)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għall-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

(b)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-għoti ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn;

(c)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-kondotta ta' investigazzjonijiet indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' ksur jew abbużi seri tad-drittijiet tal-bniedem;

(d)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

4.   L-Annessi IV u V għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati.

5.   L-Annessi IV u V għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4b

1.   B'deroga mill-Artikolu 4a, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi elenkati fl-Anness IV, u tal-membri tal-familja dipendenti ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet għaliex hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

ser jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti jkunu maħsuba għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4c

1.   B'deroga mill-Artikolu 4a, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja li tkun ittieħdet qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 4a ġew inklużi fl-Anness IV, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel din id-data, fiha jew warajha;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4d

1.   B'deroga mill-Artikolu 4a u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, sa minn qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness IV, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV;

(b)

il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 4a(2).

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

3.   L-Artikolu 4a(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi persuni fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati, bil-kondizzjoni li kwalunkwe żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kwalunkwe tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

4.   Sakemm kwalunkwe imgħax, qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati skont l-Artikolu 4a, l-Artikolu 4a(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 4a jkunu ġew inklużi fl-Anness IV; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4e

1.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 4a, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b)

jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f'kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.   Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew li tasal f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew waslet.

Artikolu 4f

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide fuq il-bażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.   Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4g

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4h

1.   Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness IV;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

2.   F'kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 4i

1.   Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottoponi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 4a, hu għandu jemenda l-Anness IV skont dan.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, filwaqt li tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont dan.

4.   Il-lista li tinsab fl-Annessi IV għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.”

(6)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħhom konnessa ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni dwar:

(a)

fondi ffriżati skont l-Artikolu 4a u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3a, 3b, 3c, 4b, 4c u 4d;

(b)

problemi ta' ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.”;

(7)

it-test li jinsab fl-Anness I għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness III.

(8)

it-test li jinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament jiżdied bħala l-Anness IV.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/655 tas-26 ta' April 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma (ara paġna 29 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir- Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 401/2013 tat-2 ta' Mejju 2013 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 (ĠU L 121, 3.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).


ANNESS I

ANNESS III

Tagħmir, teknoloġija u software imsemmija fl-Artikoli 3b u 3c

Nota Ġenerali

Minkejja l-kontenut ta' dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a)

tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jew il-Lista Militari Komuni; jew

(b)

software maħsub għall-installazzjoni mill-utent mingħajr appoġġ sostanzjali ulterjuri mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

(i)

tranżazzjonijiet fil-ħwienet;

(ii)

tranżazzjonijiet ta' bejgħ bil-korrispondenza;

(iii)

tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv)

tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bit-telefown; jew

(c)

software li huwa fid-dominju pubbliku.

It-taqsimiet A, B, C, D u E jirreferu għat-taqsimiet imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

It-“tagħmir, teknoloġija u software” imsemmija fl-Artikoli 3b u 3c huwa:

A.

Lista ta' tagħmir

Tagħmir għall-ispezzjoni approfondita tal-pakketti

Tagħmir ta' interċettar ta' netwerks inkluż tagħmir ta' ġestjoni tal-interċettar (Interception Management Equipment, IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

Tagħmir ta' monitoraġġ tal-frekwenzi tar-radju

Tagħmir ta' disturbazzjoni ta' netwerks u satelliti

Tagħmir ta' infettar telekomandat

Tagħmir ta' għarfien/ipproċessar tal-kelliem

Tagħmir ta' interċettar u monitoraġġ ta' IMSI (1), MSIDN (2), IMEI (3), TMSI (4)

Tagħmir tattiku ta' interċettar u monitoraġġ ta' SMS (5)/GSM (6)/GPS (7)/GPRS (8)/UMTS (9)/CDMA (10)/PSTN (11)

Tagħmir ta' interċettar u monitoraġġ tal-informazzjoni DHCP (12)/SMTP (13), GTP (14)

Tagħmir ta' għarfien ta' xejriet u klassifikazzjoni ta' xejriet

Tagħmir forensiku li jaħdem mill-bogħod

Tagħmir ta' mutur għall-ipproċessar semantiku (semantic processing engine)

Tagħmir ta' kriptanaliżi WEP u WPA

Tagħmir ta' interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

B.

Mhux użati

C.

Mhux użati

D.

“Software” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

E.

“Teknoloġija” għall-“iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

Tagħmir, teknoloġija u software li jaqgħu f'dawn it-taqsimiet huma fl-ambitu ta' dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu fid-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta' interċettar u monitoraġġ tal-komunikazzjonijiet bl-Internet, bit-telefown u bis-satellita”.

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, il-“monitoraġġ” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-data tan-netwerk.


(1)  IMSI tfisser International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonati tal-mowbajl). Dan huwa kodiċi ta' identifikazzjoni uniku għal kull biċċa apparat ta' telefonija mobbli, integrata fil-karta SIM u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' tali SIM permezz tan-netwerks GSM u UMTS.

(2)  MSISDN tfisser Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-netwerk diġitali għall-abbonat ta' telefonija mobbli). Dan huwa numru uniku li jidentifika s-sottoskrizzjoni f'netwerk tal-mowbajls GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefown għall-karta SIM f'mowbajl, u għaldaqstant jidentifika abbonat tal-mowbajl kif ukoll IMSI, iżda biex jittrażmetti t-telefonati permezz tiegħu.

(3)  IMEI tfisser International Mobile Equipment Identity (identità internazzjonali tal-apparat tal-mowbajl). Dan huwa numru, normalment uniku, biex jidentifika l-mowbajls GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefowns satellitari. Normalment issibu stampat fil-kompartiment tal-batterija tal-mowbajl. L-interċettazzjoni telefonika tista' tiġi speċifikata permezz tan-numru IMEI kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN tiegħu.

(4)  TMSI tfisser Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat tal-mowbajl). Din hia l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn il-mowbajl u n-netwerk.

(5)  SMS tfisser Short Message System (sistema ta' messaġġi qosra).

(6)  GSM tfisser Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

(7)  GPS tfisser Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonament globali).

(8)  GPRS tfisser General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f'pakketti).

(9)  UMTS tfisser Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta' komunikazzjoni mobbli).

(10)  CDMA tfisser Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b'diviżjoni tal-kodiċi).

(11)  PSTN tfisser Public Switch Telephone Network (netwerk telefoniku pubbliku bl-iswiċċ).

(12)  DHCP tfisser Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta' konfigurazzjoni dinamika tal-host).

(13)  SMTP tfisser Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta' trasferiment sempliċi tal-posta).

(14)  GTP tfisser GPRS Tunneling Protocol.


ANNESS II

ANNESS IV

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a.”


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/648

tas-26 ta' April 2018

li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 753/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 753/2011 tal-1 ta' Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 753/2011.

(2)

Fl-10 ta' April 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1988 (2011), aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 753/2011 huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 1.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna lill-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“(83)

Mohammed Omar Ghulam Nabi

Titolu: Mullah. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxej tal-Fidili (“Amir ul- Mumineen”), Afganistan. Data tat-twelid: (A) Bejn wieħed u ieħor fl-1966, (b) fl-1960, (c) fl-1953. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Naw Deh, Distrett ta' Deh Rawud, Provinċja ta' Uruzga, Afganistan, (b) Distrett ta' Maiwand, Provinċja ta' Kandahar, Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Data tad-deżinjazzjoni min-NU:12.4.2000.

Informazzjoni oħra: Isem missieru huwa Ghulam Nabi, magħruf ukoll bħala Mullah Musafir. Għajnejh ix-xellugija nieqsa. Ħaten Ahmad Jan Akhundzada Shukoor Akhundzada. Maħsub li jinsab fiż-żona tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Jappartjeni għat-tribù Hotak. Ir-rieżami skont ir-riżoluzzjoni 1822 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà ġie konkluż fis-27 ta' Lulju 2010. Allegatament miet f'April 2013. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/1427394

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Mohammad Omar għandu t-titolu ta' “Kmandant tal-Fidili tal-Emirat Islamiku tal-Afganistan” u huwa l-mexxej suprem tal-moviment Taliban fil-ġerarkija Talibana. Huwa ta kenn lil Usama bin Laden (mejjet) u lin-netwerk tiegħu tal-Al-Qaida fis-snin qabel l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti. Huwa ilu jidderieġi lit-Taliban kontra l-Gvern tal-Afganistan u l-alleati tagħhom fl-Afganistan mill-2001.

Mohammed Omar jikkmanda l-alleanza ta' mexxeja prominenti militari oħra fir-reġjun, bħal Jalaluddin Haqqani.”


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/14


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/649

tat-23 ta' Jannar 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-massa tal-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fl-2014, l-2015 u l-2016

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valur tal-massa medja użat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 għal kull karozza ġdida tal-passiġġieri, irid jiġi aġġustat kull tliet snin biex iqis kull bidla fil-massa medja tal-vetturi l-ġodda rreġistrati fl-Unjoni.

(2)

Mill-monitoraġġ tal-massa tal-vetturi l-ġodda tal-passiġġieri fi stat ta' tħaddim irreġistrati fl-Unjoni fis-snin kalendarji 2014, 2015 u 2016 huwa evidenti li l-massa medja naqset u li ċ-ċifra M0 imsemmija fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 għalhekk jenħtieġ li tiġi aġġustata.

(3)

Jenħtieġ li l-valur il-ġdid jiġi ddeterminat billi jitqiesu biss dawk il-valuri li l-manifatturi tal-vetturi kkonċernati setgħu jivverifikaw, filwaqt li jiġu esklużi mill-kalkolu l-valuri li kienu ovvjament żbaljati, (jiġifieri valuri ta' anqas minn 500 kg) kif ukoll il-valuri li jirrelataw mal-vetturi li kienu jaqgħu 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009. Barra minn hekk, il-valur il-ġdid jenħtieġ li jkun ibbażat fuq il-medja ponderata, filwaqt li jitqies l-għadd ta' reġistrazzjonijiet ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda fl-Unjoni fis-snin kalendarji 2014, 2015 u 2016.

(4)

Fuq dan l-isfond, il-valur ta' M0 li jrid jiġi applikat mill-2019 jenħtieġ li jitnaqqas b'12,52 kg minn 1 392,4 għal 1 379,88 kg.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Punt 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

jiddaħħal il-punt (ba) li ġej:

“(ba)

Mill-2019 'il quddiem:

L-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 = 130 + a × (M – M0)

Fejn:

M

=

il-massa tal-vettura f'kilogrammi (kg)

M0

=

1 379,88

a

=

0,0457”

(2)

fil-punt (c), iċ-ċifra M0 tinbidel b'dan li ġej:

“M0 = 1 379,88”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/650

tal-20 ta' April 2018

li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-petriċa fiż-żoni 8c, 9 u 10; fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1 minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Franza

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018.

(2)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament li għamlu l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fih jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2018.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi fih għall-2018 għandha titqies li hija eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi f'dak l-Anness jew li huma rreġistrati fih għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikulari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord il-ħut minn dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti wara dik id-data, jew li dan il-ħut jiġi ttrażbordat jew ittrasportat lejn pajjiż ieħor jew li jinħatt l-art minnhom.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, p. 1).


ANNESS

Nru

06/TQ120

Stat Membru

Franza

Stokk

ANF/8C3411

Speċi

Petriċa (Lophiidae)

Żona

8c, 9 u 10; l-ilmijiet tal-Unjoni tas-CECAF 34.1.1

Data tal-għeluq

14.3.2018


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/18


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/651

tat-23 ta' April 2018

li jistabbilixxi projbizzjoni tas-sajd għall-paġella fl-ilmijiet tal-Unjoni u f'dawk internazzjonali taż-żoni VI, VII u VIII minn bastimenti li jtajru l-bandiera Franċiża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2285 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018.

(2)

Skont l-informazzjoni li rċeviet il-Kummissjoni, il-qabdiet tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament li għamlu l-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi fih jew irreġistrati fih, eżawrew il-kwota allokata għalihom għall-2018.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istat Membru msemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi fih għall-2018 għandha titqies li hija eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd għall-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istat Membru msemmi f'dak l-Anness jew li huma rreġistrati fih għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness. B'mod partikulari, għandu jkun ipprojbit li jinżamm abbord il-ħut minn dak l-istokk li jinqabad minn dawk il-bastimenti wara dik id-data, jew li dan il-ħut jiġi ttrażbordat jew ittrasportat lejn pajjiż ieħor jew li jinħatt l-art minnhom.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/2285 tat-12 ta' Diċembru 2016 li jiffissa għall-2017 u l-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għal ċerti stokkijiet ta' ħut tal-fond u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/72 (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 32).


ANNESS

Nru

05/TQ2285

Stat Membru

Franza

Stokk

SBR/678-

Speċi

Paġella (Pagellus bogaraveo)

Żona

Ilmijiet internazzjonali u tal-Unjoni taż-żoni VI, VII u VIII

Data tal-għeluq

14.3.2018


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/652

tat-23 ta' April 2018

li jistabbilixxi projbizzjoni temporanja fuq is-sajd għar-redfish fiż-żona 3M tan-NAFO minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 (2) jistabbilixxi l-kwoti għall-2018.

(2)

Skont l-informazzjoni li waslet għand il-Kummissjoni, il-qabdiet li saru tal-istokk imsemmi fl-Anness ta' dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Unjoni Ewropea jew li huma rreġistrati fiha, eżawrew il-kwota ta' nofs il-perjodu allokata lilhom għall-perjodu qabel l-1 ta' Lulju 2018.

(3)

Għalhekk, jeħtieġ li jiġu pprojbiti l-attivitajiet tas-sajd għal dak l-istokk sat-30 ta' Ġunju 2018.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Eżawriment tal-kwota

Il-kwota tas-sajd allokata lill-Istati Membri msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament għall-istokk imsemmi hemmhekk għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2018 sat-30 ta' Ġunju 2018 inklużi għandha titqies bħala eżawrita mid-data stipulata f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Projbizzjonijiet

L-attivitajiet tas-sajd immirati għall-istokk imsemmi fl-Anness għal dan ir-Regolament minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri msemmija hemmhekk jew irreġistrati fihom għandhom jiġu pprojbiti mid-data stipulata f'dak l-Anness sat-30 ta' Ġunju 2018 inkluż.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

João AGUIAR MACHADO

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta' Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f'ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 (ĠU L 27, 31.1.2018, p. 1).


ANNESS

Nru

07/TQ120

Stat Membru

L-Unjoni Ewropea (l-Istati Membri kollha)

Stokk

RED/N3M.

Speċi

Redfish (Sebastes spp.)

Żona

NAFO 3M

Perjodu tal-għeluq

22 ta' Marzu 2018 sat-30 ta' Ġunju 2018


DEĊIŻJONIJIET

27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/653

tas-26 ta' April 2018

dwar l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Għall-fini tal-operazzjonijiet tal-Unjoni ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-istazzjonament rapidu u r-rekwiżiti operazzjonali jkunu sodisfatti.

(2)

Fit-13 ta' Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/698/PESK (1), biex stabbilixxa maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet. Taħt l-Artikolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni, saret reviżjoni tal-utilità, l-effikaċja u l-kosteffiċjenza tal-maħżen mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Ir-riżultat ta' dik ir-reviżjoni ġie diskuss mal-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill fl-ewwel nofs tal-2016.

(3)

Fit-3 ta' Mejju 2016, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà reġa' afferma li l-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen huwa miżura utli li tappoġġa l-istazzjonament rapidu tal-missjonijiet taħt il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK). Huwa qabel li jenħtieġ li l-faċilità ġdida ta' maħżen tkun operata minn korp regolat bil-liġi pubblika jew korp regolat bil-liġi privata b'missjoni ta' servizz pubbliku tal-Istati Membri kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u talab lis-SEAE biex imexxi l-proċedura tal-għażla. It-termini ta' referenza għall-proċedura tal-għażla ġew approvati mill-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill.

(4)

Wara r-rapport tas-SEAE, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għamlet rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex tintgħażel l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili (Myndigheten för samhällsskydd och beredskap – MSB) bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen għall-implimentazzjoni tal-faċilità ta' maħżen.

(5)

Jenħtieġ li l-faċilità ta' maħżen takkwista, taħżen, tmantni u tirrikostitwixxi stokk strateġiku ta' tagħmir u assi ewlenin meħtieġa għall-istazzjonament rapidu ta' missjonijiet ċivili tal-PSDK. Jenħtieġ ukoll li takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni oġġetti ġodda u użati ta' tali tagħmir u assi, kif ukoll tipprovdi servizzi ta' appoġġ, għal missjonijiet ċivili tal-PSDK. Għandu wkoll ikun possibbli għaliha li takkwista, taħżen u tqiegħed għad-dispożizzjoni kwalunkwe oġġett ieħor ta' tagħmir u assi użati rkuprati minn tali missjonijiet.

(6)

Jenħtieġ ukoll li jkun possibbli għall-faċilità ta' maħżen li tipprovdi, bħala kompitu sekondarju, l-istess appoġġ għal azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat u għar-Rappreżentanti Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE).

(7)

Jenħtieġ li l-faċilità ta' maħżen tiġi implimentata għal perijodu ta' tliet snin, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' sena oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Objettivi

1.   Għall-finijiet li jkunu żgurati l-istazzjonament rapidu ta' tagħmir u assi ewlenin u l-għoti ta' servizzi ta' appoġġ adegwati għall-missjonijiet tagħha ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet, kif ukoll li jkun żgurat aċċess rapidu u kontinwu minn dawk il-missjonijiet għal tali tagħmir u assi, l-Unjoni għandha ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha permezz tal-istabbiliment ta' faċilità ta' maħżen.

2.   Il-faċilità ta' maħżen tista' tipprovdi wkoll, kif meħtieġ, l-istess appoġġ fir-rigward ta' tagħmir, assi u servizzi, għal azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28 tat-Trattat u għar-RSUE.

Artikolu 2

Stabbiliment ta' faċilità ta' maħżen

1.   Għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1, għandha tiġi stabbilita faċilità ta' maħżen. Hija għandha twettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

takkwista, taħżen, tmantni u tirrikostitwixxi stokk strateġiku ta' tagħmir u assi ewlenin, kif identifikati fl-Anness;

(b)

takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni oġġetti ġodda u użati ta' tagħmir u assi ewlenin u tipprovdi servizzi ta' appoġġ, kif identifikati fl-Anness, għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, inklużi oġġetti rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn.

2.   Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, tmantni u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti rilevanti ta' tagħmir u assi li jkunu ta' natura u użu simili għall-oġġetti identifikati fl-Anness.

3.   Il-faċilità ta' maħżen tista' wkoll takkwista, taħżen, u tqiegħed għad-dispożizzjoni għal missjonijiet ċivili tal-PSDK oġġetti ta' tagħmir u assi użati rkuprati minn tali missjonijiet oħrajn li jkunu ta' natura u użu differenti mill-oġġetti identifikati fl-Anness.

4.   Il-faċilità ta' maħżen tista' twettaq ukoll, kif meħtieġ, il-funzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħrajn tal-Unjoni u fir-rigward ta' RSUE.

Artikolu 3

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha titwettaq mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili, li għandha taġixxi bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen. L-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha twettaq il-kompiti tagħha taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet finanzjarji tal-Kummissjoni kif stipulati fl-Artikolu 4(3).

3.   Għandu jintlaħaq qbil dwar arranġamenti dettaljati għall-implementazzjoni ta' din id-Deċiżjoni bejn l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili u l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili f'konsultazzjoni mas-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni. Dawk l-arranġamenti għandhom, b'mod partikolari, jiżguraw li l-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jkollu aċċess għall-maħżen biex jeżerċita s-sorveljanza teknika u operazzjonali sabiex jiżgura l-kapaċità ta' stazzjonament u l-funzjonament tajjeb tal-missjonijiet ta' maniġġar ċivili ta' kriżijiet. Il-Kmandant Ċivili tal-Operazzjoni għandu wkoll jivvaluta l-adegwatezza teknika ta' assi użati għall-ħżin u l-użu futur, u jirrapporta dwar il-ħtieġa li l-ħażniet jiġu rikostitwiti u mġedda.

4.   Il-faċilità ta' maħżen għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni t-tagħmir u l-assi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) fuq talba ta' missjoni ċivili tal-PSDK, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-missjoni u f'konformità mal-mandat tal-missjoni. L-istess kondizzjonijiet għandhom japplikaw mutatis mutandis fir-rigward ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u r-RSUE.

Artikolu 4

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni għall-perijodu ta' 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun ta' EUR 52 240 608,49.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1 għandha tkun ġestita skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 2. Għall-dak il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim mal-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili bħala l-operatur tal-faċilità ta' maħżen.

4.   Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jipprevedi fost l-oħrajn li:

(a)

it-tagħmir u l-assi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 2(2) għandhom jinxtraw mill-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili f'isimha stess u f'konformità mar-regoli tal-akkwist tagħha stess;

(b)

l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħmir u assi mingħajr ħlas għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, u teħodhom lura kif meħtieġ;

(c)

qabel ma jiskadi l-ftehim, l-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili għandha tagħti bħala donazzjoni t-tagħmir u l-assi kollha maħżuna minnha lill-Kummissjoni jew lil kwalunkwe entità oħra ddeżinjata mill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill dwar kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 5

Rapportar

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni kull sitt xhur.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill bl-informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-funzjonament tal-faċilità ta' maħżen kull sitt xhur.

Artikolu 6

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu, 18-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3), jirrivedi l-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fl-Artikolu 4(1) fir-rigward tal-ammont meqjus neċessarju biex jiġu sodisfatti talbiet mill-missjonijiet ċivili tal-PSDK, għal oġġetti ta' tagħmir u assi flimkien mal-kwantità ta' oġġetti maħżuna fl-istokk strateġiku, sabiex jiġi żgurat li l-ammont ta' referenza finanzjarja jieħu kont b'mod debitu tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' tali missjonijiet. Ir-reviżjoni għandha wkoll tieħu kont tal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu ta' azzjonijiet operazzjonali oħra tal-Unjoni u tar-RSUE.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u skadenza

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 4(3), ħlief jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jestendih għal perijodu ulterjuri ta' 12-il xahar.

Artikolu 8

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2012/698/PESK hija b'dan imħassra.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/698/PESK tat-13 ta' Novembru 2012 dwar l-istabbiliment ta' maħżen għal missjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet ċivili (ĠU L 314, 14.11.2012, p. 25).

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).


ANNESS

TAGĦMIR U ASSI EWLENIN LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN

L-istokk strateġiku jinkludi t-tagħmir u l-assi ewlenin meħtieġa għall-istazzjonament ta' missjoni ċivili tal-PSDK li tasal sa 200 membru tal-persunal fi kwalunkwe żona ta' operazzjoni fi żmien 30 jum.

It-tagħmir u l-assi ewlenin huma kif ġej:

Vetturi

Vettura utilitarja sportiva (“SUV”)

SUV kompatta

Minibus

4×4 Heavy Duty

Sedan/station wagon

Tagħmir tal-IT

Servers

Firewalls

Desktops

Laptops

Moniters

Printers/toners u drums

Provvista tal-elettriku mingħajr interruzzjoni (UPS)

Punti ta' aċċess Wi-Fi

Aċċessorji ta' kompjuters/servers/netwerks

Tagħmir tal-komunikazzjoni

Telefowns bis-satellita

Radjijiet bi frekwenza għolja ħafna (VHF)

Apparati ta' Sistema ta' Pożizzjonament bis-Satellita (GPS)

Telefowns ċellulari

Sistema ta' vidjo u telekonferenzjar (VTC)

Tagħmir ta' protezzjoni personali (PPE)

Ġkieket rinfurzati

Elmi

Aċċessorji

Tagħmir mediku

Kits tal-ewwel għajnuna (basktijiet b'oġġetti kruċjali biex jgħinu fil-kontroll tat-trawmi mill-korrimenti)

Defibrillaturi esterni awtomatiċi (AEDs)

Oġġetti ta' viżibbiltà

Bnadar

Oġġetti personali ta' viżibbiltà (bħal brieret, braċċali, ġkieket ta' viżibbiltà, eċċ)

Stikers tal-vetturi

Mixxellanja

Magna tal-istampar tal-karti tal-identità (printer għal karti ta' identifikazzjoni personali)

Tagħmir ta' barcoding (qarrej tal-barcodes u printer ta' tikketti bil-barcodes)

SERVIZZI TA' APPOĠĠ LI GĦANDHOM JIĠU PPROVDUTI MILL-OPERATUR TAL-FAĊILITÀ TA' MAĦŻEN

Akkwisti

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jakkwista l-istokk strateġiku f'ismu billi juża r-regoli tal-akkwist tiegħu stess.

Ħażna, kodifikazzjoni u bar coding tal-istokk strateġiku

Trasport tal-merkanzija

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen iħejji t-tagħmir maħżun għat-trasport.

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen ikun responsabbli li jiżgura/jikkuntratta t-trasport ta' tagħmir kif ġej:

mill-maħżen ċentrali lejn il-missjoni tal-PSDK

mill-missjoni tal-PSDK lejn il-maħżen ċentrali

bejn missjonijiet tal-PSDK

minn u lill-fornituri

Sistema tal-ippjanar tar-riżorsi għall-intrapriżi (ERP, Enterprise resource planning)

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi sistema ERP b'sistemi ta' riżerva xierqa biex jiżgura l-kontinwità ta' attivitajiet/proċessi relatati u jipprovdi l-manutenzjoni tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mal-konfigurazzjoni, il-personalizzazzjoni u l-aġġornament tas-sistema ERP. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jamministra wkoll il-liċenzji kollha meħtieġa għall-użu tas-sistema ERP.

Manutenzjoni teknika u tiswija ta' tagħmir ġdid u użat

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi l-manutenzjoni teknika u jmexxi testijiet operazzjonali kemm għat-tagħmir użat kif ukoll għal dak ġdid li jkunu maħżuna fil-maħżen. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura wkoll it-tiswija ta' tagħmir użat jekk jingħata struzzjoni li jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.

Rinnovament ta' vetturi blindati

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen huwa mistenni li jipprovdi manutenzjoni, rinnovazzjoni u ċertifikazzjoni (mill-ġdid) għal vetturi blindati, jekk jiġi inkarigat biex jagħmel hekk mill-Awtorità Kontraenti.

Servizzi ta' rimi

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jipprovdi servizzi marbuta mar-rimi ta' materjal perikoluż (hazmat, hazardous material), bħal batteriji, lubrikanti tal-karozzi, munizzjon, vetturi blindati u tagħmir tar-radju, li għal diversi raġunijiet (sigurtà, ambjentali eċċ.) ma jistgħux ikunu pprovduti lokalment mill-Missjoni. L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jarmi tagħmir ta' stokk strateġiku li jkun sar ekonomikament mhux vijabbli li jissewwa.

Prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi

L-operatur tal-faċilità ta' maħżen jiżgura provvisti ta' prodotti farmaċewtiċi u oġġetti ta' konsum mediċi direttament mingħand il-fornitur lill-persunal mediku awtorizzat tal-missjoni tal-PSDK.


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/28


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/654

tas-26 ta' April 2018

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Ottubru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 (1) dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq).

(2)

Sabiex tiġi koperta l-ħtieġa tal-Missjoni ta' servizzi tas-sigurtà sa tmiem il-mandat attwali tagħha, jenħtieġ li l-ammont ta' referenza finanzjarja jiġi rivedut, u jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 tiġi emendata skont dan.

(3)

EUAM Iraq qed titmexxa f'kuntest li jista' jiddeterjora u li jista' jxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendar tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869

Fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq mis-16 ta' Ottubru 2017 sas-17 ta' Ottubru 2018 għandu jkun ta' EUR 17 300 000. L-ammont ta' referenza finanzjarja għal kull perijodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1869 tas-16 ta' Ottubru 2017 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq) (ĠU L 266, 17.10.2017, p. 12).


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/655

tas-26 ta' April 2018

li temenda d-Deċiżjoni 2013/184/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' April 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/184/PESK (1) dwar miżuri restrittivi kontra Myanmar/Burma.

(2)

Fis-26 ta' Frar 2018, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jikkundannaw il-ksur mifrux, sistematiku u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej bħalissa mill-forzi militari u tas-sigurtà tal-Myanmar/Burma u jappellaw lill-Gvern tal-Myanmar/Burma u lill-forzi tas-sigurtà biex jiżguraw li s-sigurtà, l-istat tad-dritt u r-responsabbiltà jipprevalu fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan. Il-konklużjonijiet ikkonfermaw ir-rilevanza tal-embargo eżistenti fuq l-armi u t-tagħmir li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni interna u approvaw it-tiġdid ta' dawn il-miżuri restrittivi. Appella wkoll għal opzjonijiet konkreti għat-tisħiħ tal-embargo attwali u għal proposti għal miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali militari għolja tal-forzi armati tal-Myanmar (Tatmadaw) responsabbli għal ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem.

(3)

F'dan il-kuntest huwa xieraq li jiġu imposti aktar miżuri restrittivi fuq il-Myanmar/Burma fil-forma ta' projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju għal utenti finali militari u tal-Pulizija tal-Fruntiera, restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir għall-monitoraġġ ta' komunikazzjonijiet li jistgħu jintużaw għar-ripressjoni interna, u fuq it-taħriġ militari u l-kooperazzjoni militari.

(4)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, pereżempju għall-inċitament tal-vjolenza, għad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra persuni li jappartjenu għal minoranzi f'Rakhine u għat-tfixkil tal-proċess ta' ritorn volontarju u sikur ta' persuni spostati mill-Istat ta' Rakhine għall-post ta' oriġini tagħhom, kif ukoll kontra persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom. Jenħtieġ li jiġu imposti wkoll miżuri restrittivi mmirati fuq ċerti persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-għoti ta' assistenza umanitarja lill-popolazzjoni ċivili fil-bżonn jew responsabbli għat-tfixkil tat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' ksur jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll kontra persuni, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

(5)

It-transitu ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn, soġġett għall-kontroll mill-partijiet involuti fil-konflitt u f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, jenħtieġ li ma jiġix imxekkel. Huwa għalhekk xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) responsabbli għat-tfixkil tat-transitu rapidu u bla xkiel ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn. Jenħtieġ li tali restrizzjonijiet ma jaffettwawx bla bżonn l-għoti ta' assistenza umanitarja u jenħtieġ li jiġu applikati f'kunsiderazzjoni sħiħa tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u tar-regoli tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli.

(6)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/184/PESK tiġi emendata skont dan.

(7)

Hemm il-ħtieġa ta' aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2013/184/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

tiżdied il-formulazzjoni li ġejja qabel l-Artikolu 1:

“KAPITOLU I

RESTRIZZJONIJIET FUQ L-ESPORTAZZJONI”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 1a

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti tal-oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija kollha elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (*1) għall-użu militari fil-Myanmar/Burma, jew lil kwalunkwe utent finali militari jew lill-Pulizija tal-Fruntiera fil-Myanmar/Burma minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom jiġu pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn l-oġġetti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett, lil kwalunkwe utent finali militari jew lill-Pulizija tal-Fruntiera fil-Myanmar/Burma, jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma;

(b)

il-forniment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti jew teknoloġija, jew għall-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati, b'mod dirett jew indirett, lil kwalunkwe utent finali militari jew lill-Pulizija tal-Fruntiera fil-Myanmar/Burma, jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafu 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel is-27 ta' April 2018 jew kuntratti anċillari neċessarji għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).”;"

(3)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   L-Artikoli 1 u 1a ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir militari li mhux letali, jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna jew għall-oġġetti b'użu doppju u t-teknoloġija elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 maħsuba biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi tan-NU u tal-UE għall-bini ta' istituzzjonijiet, jew ta' materjal maħsub għal operazzjonijiet tal-UE u n-NU għall-maniġġar ta' kriżijiet;

(b)

il-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini;

(c)

il-forniment ta' finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma' tali tagħmir jew ma' tali programmi u operazzjonijiet;

(d)

il-forniment ta' assistenza teknika relatata ma' tali tagħmir jew ma' tali programmi u operazzjonijiet;

bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti.

2.   L-Artikolu 1 u 1a ma għandhomx japplikaw għal ilbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Myanmar/Burma mill-persunal tan-NU, persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u l-ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.”;

(4)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għal użu ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni mill-Gvern tal-Myanmar/Burma, jew f'ismu, tal-Internet u tal-komunikazzjoni telefonika fuq netwerks mobbli jew fissi fil-Myanmar/Burma, inkluż l-għoti ta' kwalunkwe tip ta' servizz ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet, kif ukoll il-forniment ta' assistenza finanzjarja u teknika għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta' tali tagħmir, teknoloġija jew software, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri għandhom jiġu pprojbiti.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software, inkluż l-għoti ta' kwalunkwe tip ta' servizz ta' monitoraġġ jew interċettazzjoni fil-qasam tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet, kif ukoll il-forniment relatat ta' assistenza finanzjarja u teknika, imsemmija fil-paragrafu 1 jekk huma jkollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software ma jintużawx għar-repressjoni interna mill-gvern, korpi pubbliċi, korporazzjonijiet jew aġenziji tal-Myanmar/Burma, jew minn kwalunkwe persuna jew entità li topera f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li jridu jiġu koperti b'dan l-Artikolu.”;

(5)

jiddaħħlu l-Artikoli u l-Kapitoli li ġejjin:

“KAPITOLU II

RESTRIZZJONIJIET FUQ IT-TAĦRIĠ MILITARI U L-KOOPERAZZJONI MILITARI

Artikolu 4

1.   Il-forniment ta' taħriġ militari lill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u lill-Pulizija tal-Fruntiera, jew il-kooperazzjoni militari magħhom għandu jiġi pprojbit.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal taħriġ jew kooperazzjoni immirati lejn it-tisħiħ tal-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt jew ir-rispett għad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma.

KAPITOLU III

RESTRIZZJONIJIET FUQ L-AMMISSJONI

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-transitu minnhom, ta':

(a)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

(b)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-għoti ta' assistenza umanitarja lill-popolazzjoni ċivili fil-bżonn;

(c)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti tal-ksur jew l-abbużi serji allegati tad-drittijiet tal-bniedem, jew

(d)

persuni fiżiċi assoċjati mal-persuni fiżiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c),

kif elenkat fl-Anness.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux jobbliga lil Stat Membru jirrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu ta' ċittadini tiegħu stess.

3.   Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut b'obbligu tad-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a)

bħala pajjiż li jospita organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b)

bħala pajjiż li jospita konferenza internazzjonali mlaqqa' min-NU, jew taħt l-awspiċi tagħha;

(c)

skont xi ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d)

skont it-Trattat ta' Konċiljazzjoni (Patt Lateran) tal-1929 konkluż mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jitqies li japplika wkoll f'każijiet fejn Stat Membru jkun il-pajjiż li jospita l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.   Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti skont il-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għar-raġuni ta' bżonn umanitarju urġenti, jew għal raġunijiet ta' attendenza għal laqgħat intergovernattivi u dawk promossi jew ospitati mill-Unjoni Ewropea, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-presidenza attwali tal-OSKE, fejn jitmexxa djalogu politiku li jippromwovi b'mod dirett l-objettivi ta' politika tal-miżuri restrittivi, inkluż id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Myanmar/Burma.

7.   Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fi żmien jumejn ta' xogħol minn meta tasal in-notifika tal-eżenzjoni proposta. Fil-każ li membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.   Fejn, skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7 Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minnu, tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnu.

KAPITOLU IV

IFFRIŻAR TA' FONDI U RIŻORSI EKONOMIĊI

Artikolu 6

1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', miżmuma jew kontrollati minn:

(a)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għal abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

(b)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-għoti tal-assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn;

(c)

persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u mill-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tat-twettiq ta' investigazzjonijiet indipendenti tal-ksur jew l-abbużi serji allegati tad-drittijiet tal-bniedem; jew

(d)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c),

kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi elenkati fl-Anness.

3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tawtorizza r-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, skont il-kondizzjonijiet li hi tqis xierqa, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a)

meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti ta' tali persuni fiżiċi, inkluż pagamenti għal ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta' servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c)

maħsuba esklużivament għall-pagament ta' tariffi jew imposti ta' servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

neċessarji għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tqis li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, għall-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e)

ser jitħallsu f'kont jew jinħarġu minnu ta' missjoni diplomatika jew konsulari, jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet skont id-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti huma maħsubin biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

4.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta' deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fil-paragrafu 1 ikunu ġew elenkati fl-Anness, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun eżegwibbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu ser jintużaw esklużivament biex jissodisfaw pretensjonijiet iggarantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness; u

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness milli jagħmlu pagament dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għal, persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness qabel id-data li fiha tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikunu ġew elenkati fih, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermina li l-pagament ma jkunx fi ksur tal-paragrafu 3.

6.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma' kontijiet iffriżati ta':

(a)

imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b)

pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2; jew

(c)

pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali li ngħataw fl-Unjoni jew li huma eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat,

dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 7

1.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'unanimità fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, li jipprovdi lil tali persuna, entità jew korp b'opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernati skont il-każ.

Artikolu 8

1.   L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikoli 5(1) u 6(1).

2.   L-Anness għandu jinkludi wkoll, meta tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi: ismijiet, inkluż il-psewdonimi; id-data u l-post ta' twelid; in-nazzjonalità; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz, jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 9

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 10

Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew xi pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull forma, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi deżinjati elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

Artikolu 11

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2019. Għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

(6)

l-Artikoli 4 u 5 huma nnumerati mill-ġdid bħala l-Artikoli 13 u 14 rispettivament;

(7)

jiżdied l-Anness li jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK tat-22 ta' April 2013 dwar miżuri restrittivi kontra l-Myanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK (ĠU L 111, 23.4.2013, p. 75).


ANNESS

ANNESS

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi imsemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(1)”.


27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/36


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/656

tas-26 ta' April 2018

li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/486/PESK tal-1 ta' Awwissu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti individwi, gruppi, impriżi u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Afganistan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' Awwissu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/486/PESK.

(2)

Fl-10 ta' April 2018, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, stabbilit skont il-paragrafu 30 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1988 (2011), aġġorna l-informazzjoni relattiva għal persuna waħda soġġetta għal miżuri restrittivi.

(3)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness għad-Deċiżjoni 2011/486/PESK jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness għad-Deċiżjoni 2011/486/PESK huwa b'dan emendat kif jinsab fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' April 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

E. ZAHARIEVA


(1)  ĠU L 199, 2.8.2011, p. 57.


ANNESS

L-entrata li tikkonċerna lill-persuna elenkata hawn taħt hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

“(83)

Mohammed Omar Ghulam Nabi

Titolu: Mullah. Raġuni għall-inklużjoni fil-lista: Mexxej tal-Fidili (“Amir ul- Mumineen”), Afganistan. Data tat-twelid: (A) Bejn wieħed u ieħor fl-1966, (b) fl-1960, (c) fl-1953. Post tat-twelid: (a) Raħal ta' Naw Deh, Distrett ta' Deh Rawud, Provinċja ta' Uruzga, Afganistan, (b) Distrett ta' Maiwand, Provinċja ta' Kandahar, Afganistan. Ċittadinanza: Afgana. Data tad-deżinjazzjoni min-NU:12.4.2000.

Informazzjoni oħra: Isem missieru huwa Ghulam Nabi, magħruf ukoll bħala Mullah Musafir. Għajnejh ix-xellugija nieqsa. Ħaten Ahmad Jan Akhundzada Shukoor Akhundzada. Maħsub li jinsab fiż-żona tal-fruntiera bejn l-Afganistan u l-Pakistan. Jappartjeni għat-tribù Hotak. Ir-rieżami skont ir-riżoluzzjoni 1822 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà ġie konkluż fis-27 ta' Lulju 2010. Allegatament miet f'April 2013. Link għas-sit web tal-Avviż Speċjali tal-INTERPOL u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU: https://www.interpol.int/en/notice/search/un/1427394

Informazzjoni addizzjonali mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Mohammad Omar għandu t-titolu ta' “Kmandant tal-Fidili tal-Emirat Islamiku tal-Afganistan” u huwa l-mexxej suprem tal-moviment Taliban fil-ġerarkija Talibana. Huwa ta kenn lil Usama bin Laden (mejjet) u lin-netwerk tiegħu tal-Al-Qaida fis-snin qabel l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001 fl-Istati Uniti. Huwa ilu jidderieġi lit-Taliban kontra l-Gvern tal-Afganistan u l-alleati tagħhom fl-Afganistan mill-2001.

Mohammed Omar jikkmanda l-alleanza ta' mexxeja prominenti militari oħra fir-reġjun, bħal Jalaluddin Haqqani.”


Rettifika

27.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/38


Rettifika tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014 tal-1 ta' Awwissu 2014 li jissupplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1217/2009 li jistabbilixxi netwerk għall-ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità dwar id-dħul u l-operazzjoni kummerċjali ta' azjendi agrikoli fl-Unjoni Ewropea

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 321 tas-7 ta' Novembru 2014 )

F'paġna 2, fit-Titolu tar-Regolament,

minflok:

“Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014”,

aqra:

“Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2014”;

F'paġna 2, il-Premessa numru tnejn,

minflok:

“Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta Regolamenti delegati li jistabbilixxu r-regoli marbuta mad-dejta għad-determinazzjoni tad-dħul u l-analiżi kummerċjali ta' azjendi agrikoli. L-att delegat għandu jistabbilixxi b'mod partikolari regoli għall-iffissar tal-valuri ta' limitu li jiddelimitaw il-qasam tal- istħarriġ, għat-tfassil ta' pjanijiet għall-għażla ta' azjendi, għall-iffissar tal-perjodu ta' referenza għall-produzzjonijiet standard, għad-determinazzjoni tat-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali u għad-determinazzjoni tal-gruppi ewlenin tad-dejta dwar prospetti ta' biedja li għandha tinġabar, kif ukoll ir-regoli ġenerali li għandhom jiġu segwiti f'dan ir-rigward.”,

aqra:

“Ir-Regolament (KE) Nru 1217/2009 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta Regolamenti delegati li jistabbilixxu r-regoli marbuta mal-informazzjoni biex jiġi ddeterminat id-dħul u biex issir l-analiżi kummerċjali ta' azjendi agrikoli. L-att delegat għandu jistabbilixxi b'mod partikolari regoli għall-iffissar tal-valuri ta' limitu li jiddelimitaw il-qasam tal-istħarriġ, għat-tfassil ta' pjanijiet għall-għażla ta' azjendi, għall-iffissar tal-perjodu ta' referenza għall-produzzjonijiet standard, għad-determinazzjoni tat-tipi ta' biedja ġenerali u prinċipali u għad-determinazzjoni tal-gruppi ewlenin ta' informazzjoni dwar prospetti ta' biedja li għandha tinġabar, kif ukoll ir-regoli ġenerali li għandhom jiġu segwiti f'dan ir-rigward.”;

F'paġna 2, fil-Premessa numru erbgħa,

minflok:

“tan-netwerk tad-dejta tal-kontabiiltà agrikola.”,

aqra:

“tan-netwerk ta' informazzjoni tal-kontabilità agrikola.”;

F'paġna 2, fil-Premessa numru ħamsa, f'paġna 4, fl-Artikolu 4, fit-tieni paragrafu, fl-ewwel sentenza u f'paġna 6, fl-Anness II, fit-tielet, fir-raba', fis-sitt, fis-seba', fit-tmien, fid-disa' u fl-għaxar inċiż u fil-ħdax u fit-tnax-il inċiż u fit-tieni Titolu tal-Anness II,

minflok

“dejta”,

aqra:

“informazzjoni”;

F'paġna 3, fil-Premessa numru sebgħa, fl-ewwel sentenza u f'paġna 6, fit-tieni parti tal-Anness II, fil-punti (b), (c), (d) u (e),

minflok:

“Id-dejta”,

aqra:

“L-informazzjoni”;

F'paġna 3, fil-Premessa numru sebgħa, fit-tieni sentenza, f'paġna 4, fl-Artikolu 6 u f'paġna 6, fit-Titolu tal-Anness II,

minflok:

“gruppi ewlenin tad-dejta tal-kontabilità”,

aqra:

“gruppi ewlenin ta' informazzjoni tal-kontabilità”;

F'paġna 3, fil-Premessa numru tmienja, f'paġna 4, fl-Artikolu 7, fit-tieni paragrafu u fl-Artikolu 8, fit-tieni paragrafu,

minflok:

“Netwerk tad-Dejta tal-Kontabilità Agrikola”,

aqra:

“Netwerk ta' Informazzjoni tal-Kontabilità Agrikola”;

F'paġna 3, fl-Artikolu 1, fil-punt (e),

minflok:

“metodi ta' ġbir tad-dejta tal-kontabilità”,

aqra:

“metodi ta' ġbir ta' informazzjoni tal-kontabilità”.