ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 44

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
16 ta' Frar 2018


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2018/196 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Frar 2018 dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

1

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

16.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/1


REGOLAMENT (UE) 2018/196 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Frar 2018

dwar dazji doganali addizzjonali fuq importazzjonijiet ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005 (2) ġie emendat b'mod sostanzjali diversi drabi (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, jenħtieġ li dak ir-Regolament jiġi kkodifikat.

(2)

Fis-27 ta' Jannar 2003, il-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim (“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) adotta r-rapport (4) tal-Korp tal-Appell u r-rapport tal-Panel (5), kif ikkonfermat mir-rapport tal-Korp tal-Appell, li sab li l-Continued Dumping and Subsidy Offset Act (“CDSOA”) kien inkompatibbli mal-obbligazzjonijiet tal-Istati Uniti skont il-ftehim tal-WTO.

(3)

Peress li l-Istati Uniti ma rnexxilhomx iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom f'konformità mal-ftehimiet koperti, il-Komunità Ewropea (“Komunità”) talbet l-awtorizzazzjoni tad-DSB sabiex tissospendi l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tariffarji u l-obbligazzjonijiet relatati skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 lill-Istati Uniti (6). L-Istati Uniti oġġezzjonaw għal-livell ta' sospensjoni tal-konċessjonijiet tariffarji u l-obbligazzjonijiet relatati, u l-kwistjoni tressqet għall-arbitraġġ.

(4)

Fil-31 ta' Awwissu 2004, l-Arbitru ddetermina li l-livell ta' tixjin jew ta' ħsara kkawżati kull sena lill-Komunità kien ekwivalenti għal 72 % tal-ammont tal-iżburzar tas-CDSOA relatat mad-dazji anti-dumping jew kompensatorji mħallsa fuq importazzjonijiet mill-Komunità għall-aktar sena reċenti li għaliha hemm data disponibbli f'dak il-waqt, kif ippubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti. L-Arbitru ikkonkluda li s-sospensjoni mill-Komunità ta' konċessjonijiet jew obbligazzjonijiet oħra, fil-forma ta' impożizzjoni ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni barra minn dazji doganali konsolidati, fuq lista ta' prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti li jkopru, fuq bażi ta' sena, valur totali ta' kummerċ li ma jaqbiżx l-ammont ta' tixjin jew ħsara tkun konsistenti mar-regoli tal-WTO. Fis-26 ta' Novembru 2004, id-DSB tat l-awtorizzazzjoni biex l-applikazzjoni lill-Istati Uniti ta' konċessjonijiet tariffarji u obbligazzjonijiet relatati skont GATT 1994 tkun sospiża bi qbil mad-deċiżjoni tal-Arbitru.

(5)

L-iżbursar tas-CDSOA għall-aktar sena reċenti li għaliha hemm data disponibbli f'dak il-waqt jirrigwarda d-distribuzzjoni ta' dazji anti-dumping u kompensatorji miġbura matul is-Sena Fiskali 2004 (mill-1 ta' Ottubru 2003 sat-30 ta' Settembru 2004). Fuq il-bażi tad-data ppubblikata mill-Protezzjoni Doganali u tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, il-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat lill-Komunità ġie kkalkulat li jammonta għal USD 27,81 miljun. Il-Komunità kienet għalhekk awtorizzata tissospendi l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tariffarji tagħha lill-Istati Uniti għal ammont ekwivalenti. L-effett ta' dazju ad valorem addizzjonali fuq l-importazzjoni ta' 15 % fuq prodotti elenkati fl-Anness I li joriġinaw mill-Istati Uniti rrappreżenta, fuq sena, valur tal-kummerċ li ma qabiżx USD 27,81 miljun. Fir-rigward ta' dawk il-prodotti, il-Komunità ssospendiet l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet tariffarji lill-Istati Uniti mill-1 ta' Mejju 2005.

(6)

Jekk in-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-deċiżjoni u r-rakkomandazzjoni tad-DSB ikompli, jenħtieġ li l-Kummissjoni taġġusta kull sena l-livell ta' sospensjoni għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat lill-Unjoni Ewropea mis-CDSOA f'dak il-waqt. Jenħtieġ li l-Kummissjoni temenda r-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni jew il-lista fl-Anness I sabiex l-effett tad-dazju addizzjonali ta' importazzjoni fuq l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti tal-prodotti magħżula, jirrappreżenta, fuq sena, valur tal-kummerċ li ma jaqbiżx l-ammont ta' tixjin jew ħsara.

(7)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrispetta l-kriterji li ġejjin:

(a)

jenħtieġ li l-Kummissjoni temenda r-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni f'każ li ż-żieda ta' prodotti fil-lista fl-Anness I jew it-tneħħija ta' prodotti minn dik il-lista ma tippermettix li l-livell ta' sospensjoni jiġi aġġustat għal-livell ta' tixjin jew ħsara; inkella, jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid prodotti fil-lista fl-Anness I jekk il-livell ta' sospensjoni jiżdied, jew tirtira prodotti minn dik il-lista jekk il-livell ta' sospensjoni jonqos;

(b)

jekk jinżdiedu xi prodotti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħżel il-prodotti mil-lista fl-Anness II b'mod awtomatiku skont l-ordni li biha l-prodotti huma elenkati; b'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni temenda wkoll il-lista fl-Anness II billi tneħħi minnha l-prodotti miżjuda fil-lista fl-Anness I;

(c)

jekk jiġu rtirati xi prodotti, jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-ewwel tneħħi l-prodotti li ġew miżjuda fil-lista fl-Anness I wara l-1 Mejju 2005; jenħtieġ li l-Kummissjoni mbagħad tneħħi l-prodotti li kienu fil-lista fl-Anness I fl-1 ta' Mejju 2005 skont l-ordni ta' dik il-lista.

(8)

Sabiex isiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tar-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni jew il-listi fl-Annessi I u II skont il-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet jitmexxew skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (7). B'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom sistematikament ikollhom aċċess għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-konċessjonijiet tariffarji u l-obbligazzjonijiet relatati taħt il-GATT 1994 tal-Unjoni għandhom ikunu sospiżi fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dazju ad valorem fuq l-importazzjoni ta' 4,3 % addizzjonali għad-dazju doganali applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għandu jiġi impost fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha taġġusta l-livell ta' sospensjoni kull sena għal-livell ta' tixjin jew ħsara kkawżat mill-Continued Dumping and Subsidy Offset Act (“CDSOA”) tal-Istati Uniti lill-Unjoni f'dak il-waqt. Il-Kummissjoni għandha temenda r-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni jew il-lista fl-Anness I taħt dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-livell ta' tixjin jew ħsara għandu jkun ekwivalenti għal 72 % tal-ammont ta' żburzar taħt is-CDSOA relatati ma' dazji anti-dumping jew kompensatorji mħallsa fuq importazzjonijiet mill-Unjoni għall-aktar sena reċenti li għaliha tkun disponibbli data f'dak il-waqt, kif ippubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti;

(b)

l-emenda għandha tkun tali li l-effett tad-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti magħżula li joriġinaw mill-Istati Uniti jirrappreżenta, fuq sena, valur tal-kummerċ li ma jaqbiżx il-livell ta' tixjin jew ħsara;

(c)

ħlief f'ċirkostanzi previsti fil-punt (e), meta l-livell ta' sospensjoni jiżdied, il-Kummissjoni għandha żżid prodotti fil-lista fl-Anness I; dawk il-prodotti għandhom ikunu magħżula mil-lista fl-Anness II skont l-ordni ta' dik il-lista;

(d)

ħlief f'ċirkostanzi previsti fil-punt (e), meta l-livell ta' sospensjoni jonqos, prodotti għandhom ikunu irtirati mil-lista fl-Anness I; il-Kummissjoni għandha tneħħi, l-ewwel, prodotti li kienu fil-lista fl-Anness II fl-1 ta' Mejju 2005 u ġew miżjuda fil-lista fl-Anness I aktar tard; il-Kummissjoni għandha mbagħad tneħħi prodotti li kienu fil-lista fl-Anness I fl-1 ta' Mejju 2005 skont l-ordni ta' dik il-lista;

(e)

il-Kummissjoni għandha temenda r-rata ta' dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni meta l-livell ta' sospensjoni ma jistax jiġi aġġustat għal-livell ta' tixjin jew ħsara biż-żieda jew it-tneħħija ta' prodotti mil-lista fl-Anness I.

2.   Meta jiżdiedu xi prodotti fil-lista fl-Anness I, il-Kummissjoni għandha, fl-istess ħin, temenda l-lista fl-Anness II billi tneħħi dawk il-prodotti minn dik il-lista. L-ordni tal-prodotti li jifdal fil-lista fl-Anness II m'għandhiex tinbidel.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 4 biex tagħmel l-aġġustamenti u l-emendi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Meta l-informazzjoni dwar l-ammont ta' żborżamenti li jsiru mill-Istati Uniti tkun disponibbli tard fis-sena, b'mod tali li ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati l-iskadenzi tad-WTO u dawk statutorji permezz tal-użu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 4, u fejn, fil-każ ta' aġġustamenti u emendi għall-Annessi, raġunijiet imperattivi ta' urġenza hekk jeħtieġu, il-proċedura stipulata fl-Artikolu 5 għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont l-ewwel subparagrafu.

Artikolu 4

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-20 ta' Frar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel ma jintemm il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perijodi tal-istess tul, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha jkollha effett fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data sussegwenti speċifikata hemmhekk. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li huwa diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li ma mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 5

1.   Atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta' att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta' urġenza.

2.   Jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(6). F'tali każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att bla dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 6

L-oriġini ta' kwalunkwe prodott li għalih japplika dan ir-Regolament għandha tiġi determinata skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 7

1.   Prodotti elenkati fl-Anness I li għalihom inħarġet liċenzja ta' importazzjoni b'eżenzjoni mid-dażju jew bi tnaqqis tad-dazju qabel it-30 ta' April 2005 m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni.

2.   Prodotti elenkati fl-Anness I li jiddaħħlu mingħajr dazji ta' importazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 (9) m'għandhomx ikunu soġġetti għad-dazju addizzjonali fuq l-importazzjoni.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KE) Nru 673/2005 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness IV.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. PANAYOTOVA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Jannar 2018 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Regolament tal-Kunsill Nru 673/2005 tal-25 ta' April 2005 li jistabbilixxi d-dazji doganali ta' importazzjoni addizzjonali ta' ċerti prodotti li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1).

(3)  Ara l-Anness III.

(4)  L-Istati Uniti – Offsets Act (Byrd Amendment), rapport tal-Korp tal-Appell (WT/DS217/AB/R, WT/DS234/AB/R, 16 ta' Jannar 2003).

(5)  L-Istati Uniti – Offsets Act (Byrd Amendment), Rapport tal-Panel (WT/DS217/R, WT/DS234/R, 16 ta' Settembru 2002).

(6)  L-Istati Uniti – Offsets Act (Byrd Amendment), Rikors mill-Komunitajiet Ewropej għall-Artikolu 22.2 tad-DSU (WT/DS217/22, 16 ta' Jannar 2004).

(7)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(8)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, 10.12.2009, p. 23).


ANNESS I

Il-prodotti li fuqhom għandhom japplikaw dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni huma identifikati mill-kodiċijiet NM bi tmien ċifri. Id-deskrizzjoni tal-prodotti kklassifikati taħt dawn il-kodiċijiet jistgħu jinstabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2658/87 (1).

0710 40 00

ex 9003 19 00“Frejms u immuntar ta' nuċċalijiet minn metall ta' valur baxx”

8705 10 00

6204 62 31


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS II

Il-prodotti f'dan l-Anness huma identifikati mill-kodiċijiet NM bi tmien ċifri tagħhom. Id-deskrizzjoni tal-prodotti kklassifikati taħt dawn il-kodiċijiet tista' tinstab fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87.


ANNESS III

Regolament imħassar u elenku tal-emendi suċċessivi tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 673/2005

(ĠU L 110, 30.4.2005, p. 1).

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 632/2006

(ĠU L 111, 25.4.2006, p. 5).

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2007

(ĠU L 100, 17.4.2007, p. 16).

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 283/2008

(ĠU L 86, 28.3.2008, p. 19).

 

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 317/2009

(ĠU L 100, 18.4.2009, p. 6).

 

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2010

(ĠU L 94, 15.4.2010, p. 15).

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 311/2011

(ĠU L 86, 1.4.2011, p. 51).

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 349/2013

(ĠU L 108, 18.4.2013, p. 6).

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1).

Biss il-punt 11 tal-Anness

Regolament (UE) Nru 38/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 52).

Biss il-punt 4 tal-Anness

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 303/2014

(ĠU L 90, 26.3.2014, p. 6).

 

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/675

(ĠU L 111, 30.4.2015, p. 16).

 

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/654

(ĠU L 114, 28.4.2016, p. 1).

 

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/750

(ĠU L 113, 29.4.2017, p. 12).

 


ANNESS IV

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 673/2005

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 4a

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6(1)

Artikolu 7(1)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikolu 7(2)

Artikolu 6(4)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV