ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 242

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
20 ta' Settembru 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

6

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2017/1565 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

14

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1563 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (“it-Trattat ta' Marrakexx”) ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-30 ta' April 2014 (3). Dan jeżiġi li l-partijiet kontraenti jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor, u għall-iskambju transfruntier ta' dawk il-kopji.

(2)

Il-benefiċjarji tat-Trattat ta' Marrakexx huma persuni għomja, persuni b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li jingħataw funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, persuni li jkollhom diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, inkluża d-dislessija jew kwalunkwe diżabbiltà oħra relatata mat-tagħlim, li żżommhom milli jaqraw materjal stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuni mingħajr din id-diżabbiltà, u persuni li ma jkunux jistgħu, minħabba diżabbiltà fiżika, iżommu jew jużaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, safejn, bħala riżultat ta' tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet, dawk il-persuni ma jistgħux jaqraw xogħol stampat sal-istess grad bħal persuni mingħajr tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet.

(3)

Il-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat għadhom qed isibu bosta xkiel biex jiksbu aċċess għal kotba u materjal stampat ieħor li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati. Il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor b'formati aċċessibbli li jkunu disponibbli għal dawk il-persuni, u li jitjiebu b'mod sostanzjali ċ-ċirkolazzjoni u t-tixrid tagħhom ġiet rikonoxxuta fil-livell internazzjonali.

(4)

Skont l-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (4), l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor, previsti fit-Trattat ta' Marrakexx, tkun trid tiġi implementata fil-qafas tal-qasam armonizzat mid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-istess japplika għas-sistemi ta' esportazzjoni u ta' importazzjoni previsti minn dan it-trattat, sa fejn l-għan tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, huwa li tiġi awtorizzata l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-distribuzzjoni, fit-territorju ta' parti, ta' kopji f'format aċċessibbli ppubblikati fit-territorju ta' parti oħra mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tad-detenturi ta' drittijiet.

(5)

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandha l-għan li timplimenta l-obbligi li l-Unjoni trid timplimenta skont it-Trattat ta' Marrakexx b'mod armonizzat sabiex jitjiebu d-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni benefiċjarji fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' tali kopji fi ħdan is-suq intern, u teżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu eċċezzjoni obbligatorja għal ċerti drittijiet li huma armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimplimenta l-obbligi skont it-Trattat ta' Marrakexx fejn jidħlu l-arranġamenti ta' esportazzjoni u importazzjoni għal kopji b'format aċċessibbli għal skopijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni benefiċjarji bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx, u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal din l-esportazzjoni u l-importazzjoni b'mod uniformi fil-qasam armonizzat mid-Direttivi 2001/29/KE u (UE) 2017/1564 sabiex jiġi żgurat li dawk il-miżuri jiġu applikati b'mod konsistenti fis-suq intern u ma jipperikolawx l-armonizzazzjoni tad-drittijiet esklużivi u l-eċċezzjonijiet li jinsabu f'dawk id-Direttivi.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li l-kopji b'format aċċessibbli tal-kotba, inklużi kotba elettroniċi, rivisti, gazzetti, megezins u tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u materjal stampat ieħor, inkluż fil-format awdjo, kemm jekk diġitali jew analoġiku, li jsiru f'xi Stat Membru b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 jistgħu jitqassmu, jiġu kkomunikati, jew isiru disponibbli għal persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata, kif imsemmi fit-Trattat ta' Marrakexx fil-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx. Pereżempju, fost il-formati aċċessibbli hemm il-kitbiet bil-Braille, il-kitbiet b'tipa kbira, il-kotba diġitali adattati, il-kotba awdjo u x-xandiriet tar-radju. Meta wieħed iqis l-“għan mhux kummerċjali tat-Trattat ta' Marrakexx” (7), it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jew għall-entitajiet awtorizzati fil-pajjiż terz jenħtieġ li jitwettqu minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stat Membru u mingħajr profitt.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti wkoll l-importazzjoni ta', u l-aċċess għal, kopji b'format aċċessibbli li jsiru skont l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx, minn pajjiż terz, minn persuni benefiċjarji fl-Unjoni u entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stat Membru, għal skopijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Jenħtieġ li dan ikun possibbli biex dawk il-kopji b'format aċċessibbli jiċċirkolaw fis-suq intern taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kopji b'format aċċessibbli li jsiru fl-Unjoni skont id-Direttiva (UE) 2017/1564.

(8)

Sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli u biex ikun evitat it-tixrid mhux awtorizzat ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-entitajiet awtorizzati li jwettqu t-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli jenħtieġ li jkunu konformi ma' ċerti obbligi. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa inizjattivi mill-Istati Membri biex jiġu promossi l-objettivi tat-Trattat ta' Marrakexx u l-iskambju ta' kopji b'format aċċessibbli ma' pajjiżi terzi li huma partijiet għal dak it-trattat, u biex jiġu appoġġati entitajiet awtorizzati biex jagħmlu skambju u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli. Tali inizjattivi jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta' linji gwida jew l-aħjar prattiki dwar il-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji b'format aċċessibbli f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-entitajiet awtorizzati, il-persuni benefiċjarji u d-detenturi tad-drittijiet.

(9)

Huwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), u huwa imperattiv li kwalunkwe tali pproċessar, ikun ukoll konformi mad-Direttivi 95/46/KE (8) u 2002/58/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, li jistgħu jagħmlu l-entitajiet awtorizzati fil-qafas ta' dan ir-Regolament u bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri.

(10)

Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (“il-UNCPRD”), li l-Unjoni hi parti kontraenti għaliha, tiżgura li l-persuni b'diżabbiltà jkollhom dritt għall-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Il-UNCPRD teżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont iid-dritt internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għall-materjali kulturali.

(11)

Skont il-Karta, kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabbiltà, hija pprojbita, u d-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità huwa rikonoxxut u rrispettati mill-Unjoni.

(12)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni b'mod uniformi tal-obbligi taħt it-Trattat ta' Marrakexx rigward l-esportazzjoni u l-importazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor għal għanijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni benefiċjarji, u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal tali esportazzjoni u importazzjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(13)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta u l-UNCRPD. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun interpretat u applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar l-iskambju transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, fi ħdan il-kamp armonizzat mid-Direttivi 2001/29/KE u (UE) 2017/1564, sabiex ma tiġix ipperikolata l-armonizzazzjoni tad-drittijiet esklużivi u l-eċċezzjonijiet fis-suq intern.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“xogħol jew materjal ieħor” tfisser xogħol fil-forma ta' ktieb, rivista, gazzetta, megezin jew tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u illustrazzjonijiet relatati, bi kwalunkwe mezz, inkluż b'forma awdjo, bħall-kotba awdjo u b'format diġitali, li jkun protett bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkun ippubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku b'xi mod ieħor legali;

(2)

“persuna benefiċjarja” tfisser, irrispettivament minn kwalunkwe diżabbiltà oħra, persuna:

(a)

għamja;

(b)

b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li l-persuna tingħata funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, u li, b'riżultat ta' dan, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà;

(c)

b'diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra u li, minħabba f'hekk, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr tali diżabbiltà; jew

(d)

li b'xi mod ieħor, minħabba diżabbiltà fiżika, ma tkunx tista' żżomm jew tuża ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha kif normalment ikun meħtieġ għall-qari.

(3)

“kopja b'format aċċessibbli” tfisser kopja ta' xogħol jew materjal ieħor f'mod jew b'forma alternattivi li lill-persuna benefiċjarja tagħtiha aċċess għax-xogħol jew għall-materjal l-ieħor, inkluż li tali persuna tkun tista' jkollha aċċess b'mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr ebda mid-diffikultajiet jew diżabbilitajiet imsemmija fil-punt 2;

(4)

“entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru” tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta minn Stat Membru biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ ta' struzzjoni, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-persuni benefiċjarji mingħajr skop ta' profitt. Hija tinkludi wkoll istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt li tipprovdi l-istess servizzi lill-persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħha, mill-obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħha.

Artikolu 3

Esportazzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli lejn pajjiżi terzi

Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru tista' tqassam, tikkomunika jew tagħmel disponibbli lill-persuni benefiċjarji jew lill-entità awtorizzata stabbilita f'pajjiż terz li jkun parti għat-Trattat ta' Marrakexx kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li ssir b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skont id-Direttiva (UE) 2017/1564.

Artikolu 4

Importazzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli minn pajjiżi terzi

Persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata stabbiliti fi Stat Membru jistgħu jimportaw jew inkella jistgħu jiksbu jew jaċċessaw sabiex jużaw, b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skont id-Direttiva (UE) 2017/1564, kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li tkun tqassmet, ġiet ikkomunikata jew saret disponibbli għall-persuni benefiċjarji jew għall-entitajiet awtorizzati, minn entità awtorizzata f'pajjiż terz li jkun parti għat-Trattat ta' Marrakexx.

Artikolu 5

Obbligi tal-entitajiet awtorizzati

1.   Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru li twettaq l-atti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandha tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki tagħha stess biex tiżgura li:

(a)

tqassam, tikkomunika u tagħmel disponibbli kopji b'format aċċessibbli biss lill-persuni benefiċjarji jew lil entitajiet awtorizzati oħra;

(b)

tieħu l-passi xierqa biex tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-disponibbiltà għall-pubbliku b'mod mhux awtorizzat ta' kopji b'format aċċessibbli;

(c)

toqgħod attenta u żżomm reġistri dwar l-immaniġġar tagħha tax-xogħlijiet jew tal-materjal l-ieħor u tal-kopji b'format aċċessibbli tagħhom; u

(d)

tippubblika u taġġorna, fuq is-sit web tagħha jekk ikun meħtieġ, jew permezz ta' mezzi online jew offline oħra, tagħrif dwar il-mod kif qed tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-punti (a) sa (c) ta' dan il-paragrafu.

Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki msemmija fl-ewwel subparagrafu b'rispett sħiħ tar-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' data personali ta' persuni benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 6.

2.   Meta tintalab, entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru li twettaq l-atti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandha tipprovdi din l-informazzjoni b'mod aċċessibbli, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet:

(a)

il-lista tax-xogħlijiet jew il-materjal l-ieħor li għalihom għandha kopji b'format aċċessibbli u l-formati disponibbli; u

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati li involviet fl-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli skont l-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 6

Protezzjoni ta' data personali

L-ipproċessar tad-data personali li jsir fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 7

Rieżami

Sal-11 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta s-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, flimkien ma', meta jkun xieraq, proposti għall-emendar ta' dan ir-Regolament.

Għat-tħejjija tar-rapport ta' evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-12 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Opinjoni tal-5 ta' Lulju 2017 (għadha mhijex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 (għadha mhijex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1).

(4)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 112.

(5)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 90.

(8)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Dik id-Direttiva se tiġi rrevokata u sostitwita, b'effett mill-25 ta' Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


DIRETTIVI

20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/6


DIRETTIVA (UE) 2017/1564 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-atti legali tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jipprovdu ċertezza legali u livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, u jikkostitwixxu qafas legali armonizzat. Dak il-qafas jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jistimula l-innovazzjoni, il-kreazzjoni, l-investiment u l-produzzjoni ta' kontenut ġdid, inkluż fil-qasam diġitali. Dan għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-aċċess għall-għarfien u l-kultura billi jipproteġi x-xogħlijiet u materjal ieħor u billi jippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li huma fl-interess pubbliku. Jenħtieġ li jkun żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet u tal-utenti.

(2)

Id-Direttivi 96/9/KE (3), 2001/29/KE (4), 2006/115/KE (5) u 2009/24/KE (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jarmonizzaw id-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati. Dawk id-Direttivi, flimkien mad-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), jipprevedu lista eżawrjenti ta' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet, li jippermettu l-użu tal-kontenut mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet b'ċerti kundizzjonijiet biex jintlaħqu ċerti għanijiet ta' politika.

(3)

Il-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat għadhom qed isibu bosta xkiel biex jaċċessaw il-kotba u materjal stampat ieħor li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati. B'kont meħud tad-drittijiet tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat kif rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”) u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (“UNCRPD”), jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiżdied id-disponibbiltà ta' kotba u materjal stampat ieħor b'formati aċċessibbli u biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni tagħhom fis-suq intern.

(4)

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie ffirmat fl-isem l-Unjoni fit-30 ta' April 2014 (8). L-għan tiegħu hu li jitjiebu d-disponibbiltà u l-iskambju transfruntier ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor b'formati aċċessibbli għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. It-Trattat ta' Marrakexx jeżiġi li l-partijiet kontraenti jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor, u għall-iskambju transfruntier ta' dawk il-kopji. Il-konklużjoni tat-Trattat ta' Marrakexx mill-Unjoni tirrikjedi l-adattament tal-liġi tal-Unjoni billi tistabbilixxi eċċezzjoni obbligatorja u armonizzata għall-użi, ix-xogħlijiet u l-persuni benefiċjarji koperti b'dak it-trattat.

(5)

F'konformitá mal-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9), l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji. b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor, previsti skont it-Trattat ta' Marrakexx, ikollhom jiġu implimentati fi ħdan il-qasam armonizzat mid-Direttiva 2001/29/KE.

(6)

Din id-Direttiva timplimenta l-obbligi li l-Unjoni trid twettaq skont it-Trattat ta' Marrakexx b'mod armonizzat, ħalli jkun żgurat li l-miżuri korrispondenti jiġu applikati b'mod konsistenti fis-suq intern kollu. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Direttiva tipprevedi eċċezzjonijiet obbligatorji għad-drittijiet li huma armonizzati bil-liġi tal-Unjoni u li huma rilevanti għall-użi u x-xogħlijiet koperti mit-Trattat ta' Marrakexx. Tali drittijiet jinkludu, b'mod partikolari, id-drittijiet tar-riproduzzjoni, tal-komunikazzjoni lill-pubbliku, tad-disponibbiltà għall-pubbliku, tad-distribuzzjoni u tas-self, kif previst fid-Direttivi 2001/29/KE, 2006/115/KE u 2009/24/KE, kif ukoll id-drittijiet korrispondenti previsti fid-Direttiva 96/9/KE. Minħabba li l-ambitu tal-eċċezzjonijiet jew tal-limitazzjonijiet mitluba mit-Trattat ta' Marrakexx jinkludi wkoll ix-xogħlijiet f'forma awdjo, bħall-kotba awdjo, jenħtieġ li l-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva tapplika wkoll għad-drittijiet relatati.

(7)

Din id-Direttiva tikkonċerna persuni għomja, persuni b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li jingħataw funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, persuni li jkollhom diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, inkluż id-dislessija jew kwalunkwe diżabbiltà oħra relatata mat-tagħlim, li żżommhom milli jaqraw materjal stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuna mingħajr din id-diżabbiltà, u persuni li ma jkunux jistgħu, minħabba diżabbiltà fiżika, iżommu jew jużaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, safejn, bħala riżultat ta' tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet, dawk il-persuni ma jistgħux jaqraw xogħol stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuni mingħajr tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet. Din id-Direttiva għaldaqstant tfittex li ttejjeb id-disponibbiltà tal-kotba, inklużi l-kotba elettroniċi, ir-rivisti, il-gazzetti, il-megezins u tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inklużi l-folji tal-mużika u materjal stampat ieħor, inkluż f'forma awdjo, kemm diġitali jew analoga, online jew offline, b'formati li jagħmlu dawk ix-xogħlijiet jew il-materjal l-ieħor aċċessibbli għal dawk il-persuni sal-istess grad sostanzjalment bħall-persuni mingħajr tali diffikultà jew diżabbiltà. Pereżempju, fost il-formati aċċessibbli hemm il-kitbiet bil-Braille, il-kitbiet b'tipa kbira, il-kotba elettroniċi adattati, il-kotba awdjo u x-xandiriet tar-radju.

(8)

L-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva jenħtieġ li tillimita d-dritt tar-riproduzzjoni sabiex tippermetti kull att li jkun meħtieġ sabiex isiru bidliet għal jew jiġi konvertit jew adattat xogħol jew materjal ieħor b'tali mod li tinħoloq kopja b'format aċċessibbli li tagħmilha possibbli għal persuni benefiċjarji li jkollhom aċċess għal dak ix-xogħol jew materjal ieħor. Din tinkludi li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex wieħed ifittex l-informazzjoni permezz ta' kopja b'format aċċessibbli. Tinkludi wkoll bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa f'każijiet fejn il-format ta' xogħol jew ta' materjal ieħor ikun diġà aċċessibbli għal ċerti persuni benefiċjarji waqt li ma jkunx aċċessibbli għal persuni benefiċjarji oħrajn, minħabba diffikultajiet jew diżabbiltajiet differenti, jew il-livelli differenti ta' tali diffikultajiet jew diżabbiltajiet.

(9)

L-użi permessi stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu l-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli mill-persuni benefiċjarji jew mill-entitajiet awtorizzati li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom, kemm jekk dawk l-entitajiet awtorizzati jkunu organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, b'mod partikolari l-libreriji, l-istituzzjonijiet edukattivi u organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta' profitt, li jaqdu lill-persuni li għandhom diżabbiltà biex jaqraw materjal stampat bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħhom, obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet tagħhom ta' interess pubbliku. L-użi jenħtieġ stipulati f'din id-Direttiva jenħtieġ li jinkludu wkoll il-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli, għall-użu esklussiv ta' persuni benefiċjarji, minn persuna fiżika li tagħmel dan f'isem persuna benefiċjarja jew li tassisti persuna benefiċjarja fil-produzzjoni ta' tali kopji. Jenħtieġ li l-kopji b'format aċċessibbli jsiru biss għal xogħlijiet jew materjal ieħor li għalihom persuni benefiċjarji jew entitajiet awtorizzati għandhom aċċess legali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe dispożizzjoni kuntrattwali li għandha l-għan li tipprevjeni jew tillimita b'kwalunkwe mod l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni ma jkollha l-ebda effett legali.

(10)

L-eċċezzjoni prevista f'din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti lill-entitajiet awtorizzati biex joħolqu u jxerrdu, online u offline fl-Unjoni, kopji b'format aċċessibbli ta' xogħlijiet jew materjal ieħor li jkunu koperti b'din id-Direttiva. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma timponi ebda obbligu fuq l-entitajiet awtorizzati biex jagħmlu tali kopji u jxerrduhom.

(11)

Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kopji b'format aċċessibbli li jsiru fi Stat Membru wieħed, ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha ħalli tkun żgurata disponibbiltà akbar tagħhom fis-suq intern. Dan inaqqas id-domanda għad-duplikazzjoni tax-xogħol fil-produzzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli ta' wieħed u l-istess xogħol jew materjal ieħor madwar l-Unjoni, u b'hekk isir frankar u titjieb l-effiċjenza. Għalhekk din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li kopji b'format aċċessibbli li jsiru minn entitajiet awtorizzati fi kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jiġu ċċirkolati u aċċessati minn persuni benefiċjarji u entitajiet awtorizzati fl-Unjoni kollha. Sabiex jitrawwem dan l-iskambju transfruntier, u biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni u l-kooperazzjoni reċiproċi tal-entitajiet awtorizzati, jenħtieġ li titħeġġeġ il-kondiviżjoni volontarja ta' informazzjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati stabbiliti fl-Unjoni, inklużi siti web jekk ikunu disponibbli. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni li tasal mingħand l-entitajiet awtorizzati lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dan ma jkunx jimplika obbligu għall-Istati Membri biex jivverifikaw il-kompletezza u l-eżattezza ta' tali informazzjoni jew il-konformità tagħha mal-liġi nazzjonali tagħhom li titrasponi din id-Direttiva. Tali informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli online mill-Kummissjoni f'punt ċentrali ta' access għall-informazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Dan jgħin ukoll lill-entitajiet awtorizzati, kif ukoll lill-persuni benefiċjarji u d-detenturi tad-drittijiet biex jikkuntattjaw entitajiet awtorizzati ħalli jirċievu aktar informazzjoni, b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u fir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Il-punt ċentrali ta' aċċess għall-informazzjoni li diġà ssemma jenħtieġ li jkun kumplimentari għall-punt ta' aċċess għall-informazzjoni li jrid jiġi stabbilit mill-Bureau Internazzjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO), kif previst fit-Trattat ta' Marrakexx, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-entitajiet awtorizzati, u l-kooperazzjoni bejniethom, fil-livell internazzjonali.

(12)

Sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli u biex ikun evitat it-tixrid mhux awtorizzat ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-entitajiet awtorizzati li jwettqu t-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli jenħtieġ li jkunu konformi ma' ċerti obbligi.

(13)

Ir-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni jew rikonoxximent li l-Istati Membri jistgħu japplikaw għal entitajiet awtorizzati, bħalma huma dawk relatati mal-forniment ta' servizzi ta' natura ġenerali lil persuni benefiċjarji, jenħtieġ li ma jkollhomx l-effett li jxekklu lill-entitajiet li huma koperti mid-definizzjoni ta' entità awtorizzata skont din id-Direttiva milli jagħmlu użu mill-użi permessi taħt din id-Direttiva.

(14)

Minħabba n-natura speċifika tal-eċċezzjoni prevista f'din id-Direttiva, tal-iskop speċifiku tagħha u tal-bżonn ta' ċertezza legali għall-benefiċjarji tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jitħallewx jimponu rekwiżiti addizzjonali għall-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, bħall-verifika minn qabel tad-disponibbiltà kummerċjali ta' xogħlijiet b'formati aċċessibbli, għajr dawk stipulati f'din id-Direttiva. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi li jipprevedu biss l-iskemi ta' kumpens fir-rigward tal-użi permessi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor minn entitajiet awtorizzati. Sabiex jiġu evitati piżijiet għal persuni benefiċjarji, jiġu evitati l-ostakli għat-tixrid transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli u li jkun hemm rekwiżiti eċċessivi fuq l-entitajiet awtorizzati, huwa importanti li tkun limitata l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu skemi ta' kumpens bħal dawn. Konsegwentement, jenħtieġ li skemi ta' kumpens ma jirrikjedux pagamenti minn persuni benefiċjarji. Jenħtieġ li dawn japplikaw biss għal użi minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jipprevedi tali skema, u jenħtieġ li ma jirrikjedux ħlasijiet minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stati Membri oħra jew f'pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jkunx hemm rekwiżiti aktar onerużi għall-iskambju transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli taħt tali skemi ta' kumpens minn dawk għal sitwazzjonijiet li ma jinvolvux l-iskambju transfruntier, inkluż fir-rigward tal-forma u l-livell possibbli ta' kumpens. Meta jiġi ddeterminat il-livell ta' kumpens, jenħtieġ li jittieħed kont debitu tan-natura mingħajr skop ta' profitt tal-attivitajiet ta' entitajiet awtorizzati, tal-objettivi ta' interess pubbliku mfittxija minn din id-Direttiva, tal-interessi tal-benefiċjarji tal-eċċezzjoni, tal-ħsara possibbli lid-detenturi tad-drittijiet u tal-ħtieġa li jiġi żgurat it-tixrid transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli. Jenħtieġ li jitqiesu wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull każ, li jirriżultaw mill-produzzjoni ta' kopja partikolari b'format aċċessibbli. Fejn il-ħsara għal detentur tad-drittijiet tkun minima, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas ta' kumpens.

(15)

Huwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont din id-Direttiva jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, u huwa imperattiv li kwalunkwe tali pproċessar, ikun ukoll konformi mad-Direttivi 95/46/KE (11) u 2002/58/KE (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, li jistgħu jagħmlu l-entitajiet awtorizzati fil-qafas ta' din id-Direttiva u bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri.

(16)

Il-UNCRPD, li l-Unjoni hi parti kontraenti għaliha, tiżgura lill-persuni b'diżabbiltà bid-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Il-UNCRPD teżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont il-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu mhux raġonevoli jew diskriminatorju għall-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għall-materjali kulturali.

(17)

Skont il-Karta, kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabbiltà hija pprojbita, u d-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità huwa rikonoxxut u rrispettat mill-Unjoni.

(18)

Bl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, l-Unjoni għandha l-għan li tiżgura li l-persuni benefiċjarji jkollhom aċċess għall-kotba u materjal ieħor b'formati aċċessibbli fis-suq intern kollu. Għaldaqstant din id-Direttiva hija l-ewwel pass essenzjali biex jitjieb l-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għax-xogħlijiet.

(19)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni fejn jidħlu d-disponibbiltà ta' xogħlijiet u materjal ieħor b'formati aċċessibbli minbarra dawk koperti b'din id-Direttiva, u kif ukoll id-disponibbiltà ta' xogħlijiet u materjal ieħor b'formati aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltajiet oħrajn. Huwa importanti li l-Kummissjoni teżamina s-sitwazzjoni f'dak ir-rigward mill-qrib. Skont il-bżonn, jaf jitqies ukoll li jsiru xi bidliet fl-ambitu ta' din id-Direttiva abbażi ta' rapport imressaq mill-Kummissjoni.

(20)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jkomplu jipprevedu eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ġid tal-persuni b'diżabbiltà fil-każijiet li ma tkoprix din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' xogħlijiet u materjal ieħor u diżabbiltajiet oħra għajr dawk koperti b'din id-Direttiva, skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE. Din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jipprevedu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li mhumiex armonizzati fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta u mill-UNCRPD. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi interpretata u applikata f'konfomità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(22)

It-Trattat ta' Marrakexx jimponi ċerti obbligi rigward l-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għal dak it-Trattat. Il-miżuri li ħadet l-Unjoni biex tissodisfa dawk l-obbligi jinsabu fir-Regolament (UE) 2017/1563 li jenħtieġ li jinqara flimkien ma' din id-Direttiva.

(23)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li ttejjeb l-aċċess fl-Unjoni għal xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma jista' pjuttost, permezz tal-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(24)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (13), f'każijiet ġustifikati l-Istati Membri għandhom jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti tat-traspożizzjoni nazzjonali. Rigward din id-Direttiva, il-leġislatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza ulterjorment il-liġi tal-Unjoni applikabbli għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, billi tistabbilixxi regoli dwar l-użu ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)

“xogħol jew materjal ieħor” tfisser xogħol fil-forma ta' ktieb, rivista, gazzetta, megezin jew tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u illustrazzjonijiet relatati, bi kwalunkwe mezz, inkluż b'forma awdjo, bħall-kotba awdjo u b'format diġitali, li jkun protett bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkun ippubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku b'xi mod ieħor legali;

(2)

“persuna benefiċjarja” tfisser, irrispettivament minn kull diżabbiltà oħra, persuna:

(a)

għamja;

(b)

b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li l-persuna tingħata funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, u li, b'riżultat ta' dan, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà;

(c)

b'diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra u li, minħabba f'hekk, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr tali diżabbiltà; jew

(d)

li b'xi mod ieħor, minħabba diżabbiltà fiżika, ma tkunx tista' żżomm jew tuża ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha kif normalment ikun meħtieġ għall-qari.

(3)

“kopja b'format aċċessibbli” tfisser kopja ta' xogħol jew materjal ieħor f'mod jew b'forma alternattivi li lill-persuna benefiċjarja tagħtiha aċċess għax-xogħol jew għall-materjal l-ieħor, inkluż li tali persuna tkun tista' jkollha aċċess b'mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr ebda mid-diffikultajiet jew diżabbilitajiet imsemmija fil-punt 2;

(4)

“entità awtorizzata” tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta minn Stat Membru biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ ta' struzzjoni, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-persuni benefiċjarji mingħajr skop ta' profitt. Hija tinkludi wkoll istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt li tipprovdi l-istess servizzi lill-persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħha, mill-obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħha.

Artikolu 3

Użi permessi

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu eċċezzjoni li biha ma tkun meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet ta' kwalunkwe dritt tal-awtur jew dritt relatat f'xogħol jew materjal ieħor skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 96/9/KE, l-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Direttiva 2001/29/KE, l-Artikolu 1(1), l-Artikoli 8(2) u (3) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/115/KE u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/24/KE għal kwalunkwe azzjoni neċessarja sabiex:

(a)

persuna benefiċjarja, jew persuna li taġixxi f'isimha, tagħmel kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li l-persuna benefiċjarja jkollha aċċess legali għaliha għall-użu esklussiv tal-persuni benefiċjarji; u

(b)

entità awtorizzata tagħmel kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li għaliha jkollha aċċess legali, jew tikkomunika, tagħmel disponibbli, tqassam u tislef kopja b'format aċċessibbli lil persuna benefiċjarja jew lil entità awtorizzata oħra fuq bażi mingħajr skop ta' qligħ għall-finijiet ta' użu esklussiv minn persuna benefiċjarja.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kopja b'format aċċessibbli tkun tirrispetta l-integrità tax-xogħol jew materjal ieħor, filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-bidliet meħtieġa biex ix-xogħol jew materjal ieħor isir aċċessibbli bil-format alternattiv.

3.   L-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun applikata biss f'ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew materjal ieħor u ma jippreġudikawx b'mod mhux raġonevoli l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

4.   L-ewwel, it-tielet u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2001/29/KE għandhom japplikaw għall-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jingħelbu permezz ta' kuntratt.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-użi permessi taħt din id-Direttiva, jekk jitwettqu minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tagħhom, ikunu soġġetti għal skemi ta' kumpens fi ħdan il-limiti previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Kopji b'format aċċessibbli fis-suq intern

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom tista' twettaq l-atti msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1) għal persuna benefiċjarja jew għal entità awtorizzata oħra stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata stabbiliti fit-territorju tagħhom jistgħu jiksbu kopja jew ikollhom aċċess għal kopja b'format aċċessibbli mingħand entità awtorizzata stabbilita fi kwalunkwe Stat Membru.

Artikolu 5

Obbligi tal-entitajiet awtorizzati

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom, li twettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 4, tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki tagħha stess biex tiżgura li:

(a)

tqassam, tikkomunika u tagħmel disponibbli kopji b'format aċċessibbli biss lill-persuni benefiċjarji jew lil entitajiet awtorizzati oħra;

(b)

tieħu l-passi xierqa biex tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-disponibbiltà għall-pubbliku b'mod mhux awtorizzat ta' kopji b'format aċċessibbli;

(c)

tagħti prova tal-attenzjoni dovuta lill-immaniġġar tagħha tax-xogħlijiet jew materjal l-ieħor u tal-kopji b'format aċċessibbli tagħhom u żżomm rekord dwar dan; u

(d)

tippubblika u taġġorna, fuq is-sit web tagħha, jekk ikun meħtieġ, jew permezz ta' mezzi online jew offline oħra, tagħrif dwar il-mod kif qed tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-punti (a) sa (c).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prattiki msemmija fl-ewwel subparagrafu jiġu stabbiliti u segwiti b'rispett sħiħ tar-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' data personali ta' persuni benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 7.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li entità awtorizzata stabbilita fit-territorju tagħhom li twettaq l-atti msemmija fl-Artikolu 4 tipprovdi l-informazzjoni li ġejja b'mod aċċessibbli, fuq talba, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet:

(a)

il-lista tax-xogħlijiet jew materjal ieħor li għandha kopji b'format aċċessibbli tagħhom u l-formati disponibbli; u

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati li involviet fl-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli skont l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Trasparenza u skambju ta' informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-entitajiet awtorizzati stabbiliti fit-territorju tagħhom biex iwettqu l-atti msemmija fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva u l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) 2017/1563 biex jikkomunikawlhom, fuq bażi volontarja, l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni li huma jkunu rċevew skont il-paragrafu 1 lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni pubblikament disponibbli online f'punt ċentrali ta' aċċess għall-informazzjoni u żżommha aġġornata.

Artikolu 7

Protezzjoni ta' data personali

L-ipproċessar tad-data personali mwettaq fil-qafas ta' din id-Direttiva għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 8

Emendi għad-Direttiva 2001/29/KE

Fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2001/29/KE, il-punt (b) huwa sostitwit bis-segwenti:

“(b)

l-użi, għall-ġid tal-persuna b'diżabbiltà, li huma relatati direttament mad-diżabbiltà u li għandhom natura mhux kummerċjali, sa kemm teħtieġ id-diżabbiltà speċifika, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

Artikolu 9

Rapport

Sal-11 ta' Ottubru 2020, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar id-disponibbiltà, b'formati aċċessibbli, ta' xogħlijiet u materjal ieħor għajr dawk definiti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 għall-persuni benefiċjarji, u ta' xogħlijiet u materjal ieħor għall-persuni b'diżabbiltajiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 2, fis-suq intern. Ir-rapport għandu jikkunsidra l-iżviluppi rigward it-teknoloġija rilevanti u għandu jkun fih valutazzjoni dwar jekk it-twessigħ tal-ambitu ta' din id-Direttiva huwiex xieraq sabiex jittejjeb l-aċċess għal tipi oħrajn ta' xogħlijiet u materjal ieħor u biex jittejjeb l-aċċess għall-persuni b'diżabbiltajiet oħra għajr dawk koperti b'din id-Direttiva.

Artikolu 10

Rieżami

1.   Sal-11 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' din id-Direttiva u tippreżenta s-sejbiet ewlenin f'rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, flimkien ma', meta jkun xieraq, proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva. Tali evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt ta' skemi ta' kumpens, previsti minn Stati Membri skont l-Artikolu 3(6), dwar id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni benefiċjarji u dwar l-iskambju transfruntier tagħhom. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis l-opinjonijiet ta' atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b'diżabbiltà u dawk li jirrappreżentaw lill-anzjani.

2.   Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.

3.   Stat Membru li jkollu raġunijiet validi sabiex jikkunsidra li l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva kellha impatt negattiv sinifikanti fuq id-disponibbilta' kummerċjali ta' xogħlijiet jew materjal ieħor b'formati aċċessibbli għal persuni benefiċjarji jista' jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kummissjoni u jipprovdi l-evidenza rilevanti kollha. Il-Kummissjoni għandha tqis dik l-evidenza meta tfassal ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-11 ta' Ottubru 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(3)  Id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

(4)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(5)  Id-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(6)  Id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta' programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16).

(7)  Id-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni (ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1).

(9)  L-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 112.

(10)  Ir-Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Dik id-Direttiva se tiġi rrevokata u sostitwita, b'effett mill-25 ta' Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(13)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


DEĊIŻJONIJIET

20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/14


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1565 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (1),

Billi:

(1)

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) u r-Repubblika tal-Moldova qegħdin ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Ir-Repubblika tal-Moldova ssieħbet fis-Sħubija tal-Lvant fl-2009, li kienet segwita minn negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. Dan il-Ftehim (2) (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”), li jinkludi l-introduzzjoni gradwali ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.

(2)

L-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova ġiet affettwata b'mod sinifikanti mill-instabilità politika esperjenzata fil-perjodu bejn l-elezzjonijiet ta' Novembru 2014 u Jannar 2016, kif ukoll minn skandlu tal-frodi bankarja, minn attività ekonomika dgħajfa fir-reġjun, u minn projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni imposti mir-Russja. Matul l-aħħar sena, dik is-sitwazzjoni kkontribwiet għall-produzzjoni ta' reċessjoni, żbilanċ fil-kummerċ li qed jiżdied u tnaqqis sinifikanti ta' riżervi ta' muniti barranin.

(3)

Wara l-ħatra fil-bidu tal-2016 ta' gvern ġdid u ta' gvernatur ġdid tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova, l-awtoritajiet urew impenn imġedded biex jimxu 'l quddiem bir-riformi politiċi meħtieġa u biex jiġu indirizzati sfidi ta' governanza tal-pajjiż fis-settur finanzjarju u fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

(4)

B'appoġġ għall-perkors il-ġdid ta' riforma, ġie miftiehem Pjan Direzzjonali għal Riformi Prijoritarji bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Frar 2016. Kien hemm progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan Direzzjonali mir-Repubblika tal-Moldova.

(5)

F'kuntest ta' tranżizzjoni politika u diffikultajiet ekonomiċi, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu, f'Lulju 2016, fuq Arranġament ta' tliet snin ta' Faċilità ta' Kreditu Estiża (ECF) u Faċilità ta' Fond Estiża (EFF) fl-ammont ta' USD 178,7 miljun. Dak l-arranġament ġie approvat mill-Bord tal-FMI fis-7 ta' Novembru 2016. Skont dan il-programm tal-FMI, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova mistennija li jagħmlu titjib rapidu fil-governanza u superviżjoni fis-settur finanzjarju, biex isaħħu l-politiki li jiżguraw l-istabilità makroekonomika u l-istabilità finanzjarja, u jrawmu tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(6)

Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi, ir-Repubblika tal-Moldova talbet assistenza makrofinanzjarja kumplimentari mill-Unjoni f'Awwissu 2015 u tenniet din it-talba f'Marzu 2016.

(7)

L-allokazzjoni indikattiva tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova skont l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (SEV) hija ta' EUR 610–746 miljun, inkluż l-appoġġ baġitarju u l-assistenza teknika. Madankollu, l-iżborżi tal-appoġġ baġitarju mill-Unjoni ġew sospiżi kmieni fl-2015 u t-tkomplija tagħhom ġiet magħmula kondizzjonali fuq l-approvazzjoni ta' programm ġdid tal-FMI u li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha ta' appoġġ baġitarju.

(8)

Minħabba li r-Repubblika tal-Moldova hija pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li tiġi ikkunsidrata bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.

(9)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta' żmien qasir.

(10)

Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti tar-Repubblika tal-Moldova lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li tingħata lir-Repubblika tal-Moldova, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tar-Repubblika tal-Moldova li tiġi appoġġata l-istabilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.

(11)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għar-Repubblika tal-Moldova, billi tikkontribwixxi għall-istabilità politika u makroekonomika akbar tal-pajjiż, għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika u finanzjarja, inkluża investigazzjoni komprensiva u orjentata lejn ir-riżultati dwar il-frodi bankarja, il-governanza tajba tal-enerġija u l-indipendenza politika tal-ġudikatura.

(12)

L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f'id mal-implimentazzjoni tal-iżborżi ta' operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju taħt is-SEV.

(13)

Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tar-Repubblika tal-Moldova, u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-iskjerament diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fir-Repubblika tal-Moldova u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.

(14)

B'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tar-Repubblika tal-Moldova, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku tagħha, kif imkejjel skont id-dħul per capita u l-indiċijiet tal-faqar, il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha, u l-valutazzjoni tal-kapaċità tagħha li tħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, jenħtieġ li parti mill-assistenza tingħata fil-forma ta' għotjiet.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta' dawk l-oqsma u ma' linji ta' politika oħrajn rilevanti tal-Unjoni.

(16)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward ir-Repubblika tal-Moldova. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.

(17)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, servizz ċivili responsabbli, trasparenti u bbażat fuq il-mertu, ġudikatura indipendenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli, u ġust.

(18)

Jenħtieġ li prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u għall-iżborż ta' kull wieħed mit-tliet ħlasijiet parzjali tkun li r-Repubblika tal-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jiżguraw ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, jirrinfurzaw il-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju u bankarju fir-Repubblika tal-Moldova, itejbu l-governanza fis-settur tal-enerġija u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi, klima tan-negozju tajba u l-konsolidazzjoni fiskali. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova jenħtieġ li tinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA. Biex ikun żgurat li l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu evalwati b'mod xieraq, dawn jeħtieġ li jiġu stipulati b'mod verifikabbli u li jista' jitkejjel. Kemm it-twettiq tal-prekondizzjoni kif ukoll il-kisba ta' dawk l-objettivi jenħtieġ li jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-SEAE. Jekk il-prekondizzjoni u l-objettivi ma jintlaħqux jew jekk l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu ġeneralment injorati, jenħtieġ li l-Kummissjoni b'mod temporanju tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

(19)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Repubblika tal-Moldova timplimenta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Ir-Repubblika tal-Moldova jenħtieġ li tinforma regolarment lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja abbażi ta' żvelar sħiħ u ta' konformità stretta mar-regoli finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki u li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi.

(20)

Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (bħala awtorità baġitarja).

(21)

Jenħtieġ li l-ammonti ta' assistenza makrofinanzjarja mogħtija fil-forma ta' għotjiet u l-ammonti tal-allokazzjonijiet meħtieġa għal assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta' self ikunu konsistenti mal-approprazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(22)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.

(23)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(24)

Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun soġġetta għal kondizzjonijiet, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Jenħtieġ li tali kondizzjonijiet ikunu marbuta mal-iżborż ta' kull wieħed mit-tliet ħlasjiet parzjali. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kondizzjonijiet mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li bħala regola ġenerali tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova, jenħtieġ li l-proċedura ta' eżami tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 100 miljun disponibbli għar-Repubblika tal-Moldova (“l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni”), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova u aġenda ta' riforma sostantiva. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 60 miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 40 miljun għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tar-Repubblika tal-Moldova għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.

2.   Sabiex jiġi ffinanzjat il-komponent tas-self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, u ssellifhom lir-Repubblika tal-Moldova. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.

3.   Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika tal-Moldova, u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA, miftiehma skont il-PEV.

Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.

4.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għanda ssir disponibbli, għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).

5.   Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tar-Repubblika tal-Moldova jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.

Artikolu 2

1.   Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li r-Repubblika tal-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.

2.   Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw li din il-prekondizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 tiġi sodisfatta matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (4).

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova dwar politika ekonomika u kondizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil (“il-Memorandum ta' Qbil”) li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mir-Repubblika tal-Moldova bl-appoġġ tal-FMI.

2.   Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, lejn it-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fil-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.

3.   It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim tas-Self u fi Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova.

4.   Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 4

1.   Soġġett għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f'element ta' self u element ta' għoti. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.

2.   L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f'forma ta' self għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;

(b)

rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; kif ukoll

(c)

l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.

4.   Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali.

5.   Meta l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew it-tħassir.

6.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Moldova bħala l-benefiċjarju aħħari.

Artikolu 5

1.   L-operazzjonijiet ta' teħid u għoti ta' self marbutin mal-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m'għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.

2.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk ir-Repubblika tal-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self, u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.

3.   Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk ir-Repubblika tal-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.

4.   L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta' teħid b'self skont din id-Deċiżjoni, għandhom jitħallsu mir-Repubblika tal-Moldova.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.

Artikolu 6

1.   L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 (7).

2.   L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.

3.   Il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja li jridu jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:

(a)

li jiżguraw li r-Repubblika tal-Moldova tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fond ipprovdut skont din id-Deċiżjoni li jkun ġie miżapproprjat;

(b)

li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprovdu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (8) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (9) u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(c)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;

(d)

li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;

(e)

li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self u/jew għal ħlas lura sħiħ tal-għotja meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Moldova tkun ħadet sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

4.   Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tar-Repubblika tal-Moldova, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.

Artikolu 7

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:

(a)

jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;

(b)

jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);

(c)

jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tar-Repubblika tal-Moldova u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

2.   Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(2)  Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(10)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

Fid-dawl tal-inizjattivi relatati mat-tibdiliet fis-sistema elettorali fir-Repubblika tal-Moldova, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jissottolinjaw li prekundizzjoni għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ser jimmonitorjaw li din il-prekundizzjoni tiġi ssodisfata tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja u b'hekk ser jagħtu l-akbar attenzjoni għall-kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova tar-rakkomandazzjonijiet minn sħab internazzjonali rilevanti (b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR).