ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 222

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
29 ta' Awwissu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1505 tat-28 ta' Awwissu 2017 li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1506 tat-28 ta' Awwissu 2017 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva idrażid malejku skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 ( 1 )

21

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1507 tat-28 ta' Awwissu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar

25

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

29.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1505

tat-28 ta' Awwissu 2017

li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta' organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS), li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

Billi:

(1)

L-għan tal-EMAS huwa li tippromwovi titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet permezz tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta' din is-sistema, l-għoti ta' informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali, id-djalogu miftuħ mal-pubbliku u mal-partijiet interessati l-oħra u l-involviment attiv tal-impjegati. Biex jintlaħaq dan l-għan, l-Annessi I sa IV tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 jiddefinixxu r-rekwiżiti speċifiċi li għandhom jiġu osservati mill-organizzazzjonijiet li jixtiequ jimplimentaw l-EMAS u jiksbu r-reġistrazzjoni tal-EMAS.

(2)

Il-Parti A tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tinkludi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Istandard EN ISO 14001:2004 li jikkostitwixxi l-bażi tar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali ta' dak ir-Regolament.

(3)

Il-Parti B tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 telenka għadd ta' kwistjonijiet addizzjonali li l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-iskema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) huma meħtieġa li jindirizzaw u li għandhom rabta diretta ma' għadd ta' elementi tal-Istandard EN ISO 14001:2004.

(4)

Sadanittant, l-ISO ppubblikat verżjoni ġdida tal-Istandard Internazzjonali ISO 14001. Għalhekk, it-tieni edizzjoni tal-istandard (EN ISO 14001:2004) ġiet sostitwita bit-tielet edizzjoni (ISO 14001:2015).

(5)

Biex ikun żgurat approċċ konsistenti fl-Annessi kollha, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet il-ġodda rilevanti tal-Istandard Internazzjonali ISO 14001:2015 jiġu meqjusa wkoll fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar ir-Reviżjoni Ambjentali u fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 li jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar il-Verifika Ambjentali Interna.

(6)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiksbu jew iżommu kemm ir-reġistrazzjoni tal-EMAS kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001 ħafna drabi jwettqu proċess wieħed ta' verifika/ċertifikazzjoni integrat. Biex tinżamm il-koerenza bejn ir-rekwiżiti taż-żewġ strumenti, l-organizzazzjonijiet ma għandhomx jiġu obbligati jimplimentaw l-Annessi riveduti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 qabel l-implimentazzjoni tal-verżjoni l-ġdida tal-Istandard Internazzjonali ISO 14001. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm arranġamenti tranżitorji.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 jinbidlu bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 kif emendat b'dan ir-Regolament għandha tiġi vverifikata fil-mument li ssir il-verifika tal-organizzazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009.

F'każ ta' tiġdid tar-reġistrazzjoni tal-EMAS, jekk il-verifika li jmiss tkun se titwettaq qabel l-14 ta' Marzu 2018, id-data tal-verifika li jmiss tista' tiġi estiża b'sitt xhur bi ftehim mal-verifikatur ambjentali u mal-Korpi Kompetenti.

Madankollu, qabel l-14 ta' Settembru 2018, il-verifika tista', bi ftehim mal-verifikatur ambjentali, titwettaq skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009, kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 (2). Jekk din il-verifika ssir, il-validità tad-dikjarazzjoni tal-verifikatur ambjentali kif ukoll iċ-ċertifikat ta' reġistrazzjoni jibqgħu validi biss sal-14 ta' Settembru 2018.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat-13 ta' Mejju 2013 li jadatta ċerti regolamenti u deċiżjonijiet fl-oqsma tal-moviment liberu tal-merkanzija, il-moviment liberu tal-persuni, id-dritt soċjetarju, il-politika tal-kompetizzjoni, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, il-politika veterinarja u fitosanitarja, il-politika tat-trasport, l-enerġija, it-tassazzjoni, l-istatistika, in-netwerks trans-Ewropej, id-drittijiet ġudizzjarji u fundamentali, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, l-ambjent, l-unjoni doganali, ir-relazzjonijiet esterni, il-politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża u l-istituzzjonijiet, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1).


ANNESS

ANNESS I

REVIŻJONI AMBJENTALI

Ir-reviżjoni ambjentali għandha tkopri l-oqsma li ġejjin:

1.   Stabbiliment tal-kuntest organizzattiv

L-organizzazzjoni għandha tiddetermina dawk il-kwistjonijiet esterni u interni li jistgħu jaffettwaw b'mod pożittiv jew negattiv il-ħila tagħha li tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

Kwistjonijiet bħal dawn jinkludu kundizzjonijiet ambjentali rilevanti bħall-klima, il-kwalità tal-arja, il-kwalità tal-ilma, id-disponibbiltà tar-riżorsi naturali, il-bijodiversità.

Huma jistgħu jinkludu wkoll il-kundizzjonijiet li ġejjin, iżda mhumiex limitati għal dawn biss:

kundizzjonijiet esterni (bħaċ-ċirkustanzi kulturali, soċjali, politiċi, legali, regolatorji, finanzjarji, teknoloġiċi, ekonomiċi, naturali u kompetittivi),

kundizzjonijiet interni relatati mal-karatteristiċi tal-organizzazzjoni (bħall-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi, id-direzzjoni strateġika, il-kultura u l-kapaċitajiet tagħha).

2.   Identifikazzjoni tal-partijiet interessati u determinazzjoni tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi rilevanti tagħhom.

L-organizzazzjoni għandha tiddetermina l-partijiet interessati li jkunu rilevanti għas-sistema tal-ġestjoni ambjentali, il-ħtiġijiet u l-aspettattivi rilevanti ta' dawk il-partijiet interessati u liema minn dawk il-ħtiġijiet u l-aspettattivi hija trid jew tagħżel li tikkonforma magħhom.

Jekk l-organizzazzjoni tiddeċiedi li tadotta jew taqbel volontarjament mal-ħtiġijiet jew l-aspettattivi rilevanti ta' partijiet interessati li ma jkunux koperti minn rekwiżiti legali, dawn isiru parti mill-obbligi ta' konformità tagħha.

3.   Identifikazzjoni tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli relatati mal-ambjent

Minbarra l-istabbiliment ta' reġistru tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli, l-organizzazzjoni għandha tindika wkoll kif tista' tiġi pprovduta l-evidenza li qed tikkonforma mar-rekwiżiti ġuridiċi differenti.

4.   Identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti u stabbiliment ta' dawk li huma sinifikanti

L-organizzazzjoni għandha tidentifika l-aspetti ambjentali diretti u indiretti kollha b'impatt pożittiv jew negattiv fuq l-ambjent, ikkwalifikati u kkwantifikati kif xieraq, u tikkompila reġistru tal-aspetti ambjentali kollha identifikati. L-organizzazzjoni għandha tiddetermina wkoll liema minn dawk l-aspetti huma sinifikanti abbażi ta' kriterji stabbiliti skont il-punt 5 ta' dan l-Anness.

Meta jkunu qegħdin jidentifikaw l-aspetti ambjentali diretti u indiretti, huwa essenzjali li l-organizzazzjonijiet jikkunsidraw ukoll l-aspetti ambjentali assoċjati mal-attività ewlenija tagħhom. Inventarju limitat għall-aspetti ambjentali tas-sit u l-faċilitajiet ta' organizzazzjoni mhuwiex biżżejjed.

Meta tkun qiegħda tidentifika l-aspetti ambjentali diretti u indiretti tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha, l-organizzazzjoni għandha tadotta perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, billi tqis l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li hija tista' tikkontrolla jew tinfluwenza. Dawn l-istadji ġeneralment jinkludu l-akkwiżizzjoni tal-materja prima, ix-xiri u l-akkwist, id-disinn, il-produzzjoni, it-trasport, l-użu, it-trattament fi tmiem il-ħajja u r-rimi finali skont l-attività tal-organizzazzjoni.

4.1.   Aspetti ambjentali diretti

L-aspetti ambjentali diretti huma assoċjati ma' attivitajiet, prodotti u servizzi tal-organizzazzjoni nnifisha li fuqhom għandha l-kontroll dirett tal-ġestjoni.

L-organizzazzjonijiet kollha jridu jqisu l-aspetti diretti tal-operazzjonijiet tagħhom.

L-aspetti ambjentali diretti jinkludu, iżda mhumiex limitati għal

(1)

l-emissjonijiet fl-arja;

(2)

ir-rilaxx fl-ilma (inklużi l-infiltrazzjonijiet fl-ilma tal-pjan),

(3)

il-produzzjoni, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid, it-trasport u r-rimi ta' skart solidu u skart ieħor, b'mod partikolari l-iskart perikoluż;

(4)

l-użu u l-kontaminazzjoni tal-art;

(5)

l-użu tal-enerġija, ir-riżorsi naturali (inkluż l-ilma, il-fawna u l-flora) u l-materja prima;

(6)

l-użu ta' addittivi u awżiljari kif ukoll prodotti semimanifatturati;

(7)

kwistjonijiet lokali (il-ħsejjes, il-vibrazzjoni, l-irwejjaħ, it-trab, id-dehra viżiva, eċċ.).

Fl-identifikazzjoni tal-aspetti ambjentali, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll dawn li ġejjin:

ir-riskji ta' inċidenti ambjentali u sitwazzjonijiet oħra ta' emerġenza b'impatt ambjentali potenzjali (eż. inċidenti kimiċi) u sitwazzjonijiet abnormali potenzjali li jistgħu jwasslu għal impatt ambjentali potenzjali.

kwistjonijiet tat-trasport għall-prodotti u s-servizz u għall-persunal li jivvjaġġa fuq xogħol tal-kumpanija

4.2.   Aspetti ambjentali indiretti

Aspetti ambjentali indiretti jistgħu jirriżultaw mill-interazzjoni ta' organizzazzjoni ma' partijiet terzi, li jistgħu jiġu influwenzati sa livell raġonevoli mill-organizzazzjoni.

Dawn jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(1)

kwistjonijiet relatati maċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u s-servizzi (l-akkwiżizzjoni tal-materja prima, id-disinn, ix-xiri u l-akkwist, il-produzzjoni, it-trasport, it-trattament fi tmiem il-ħajja u r-rimi finali);

(2)

l-investimenti kapitali, l-għoti ta' self u s-servizzi tal-assigurazzjoni;

(3)

swieq ġodda;

(4)

l-għażla u l-kompożizzjoni tas-servizzi (eż. it-trasport jew il-kummerċ tal-forniment tal-ikel);

(5)

deċiżjonijiet amministrattivi u ta' ppjanar;

(6)

il-kompożizzjoni ta' firxiet ta' prodotti;

(7)

il-prestazzjoni u l-prattiċi ambjentali tal-kuntratturi, is-sottokuntratturi, il-fornituri u s-sottofornituri.

L-organizzazzjonijiet iridu jkunu kapaċi juru li l-aspetti ambjentali sinifikanti u l-impatti assoċjati ma' dawn l-aspetti jiġu indirizzati fis-sistema ta' ġestjoni.

L-organizzazzjoni għandha tagħmel l-almu tagħha sabiex tassigura illi l-fornituri u dawk li jaġixxu f'isem l-organizzazzjoni jikkonformaw mal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni fl-ambitu tal-attivitajiet imwettqa għall-kuntratt.

Organizzazzjoni għandha tikkunsidra kemm jista' jkollha influwenza fuq dawk l-aspetti ambjentali indiretti, u liema miżuri tista' tieħu biex tnaqqas l-impatt ambjentali jew biex iżżid il-benefiċċju ambjentali.

5.   Valutazzjoni tas-sinifikat tal-aspetti ambjentali

Organizzazzjoni għandha tiddefinixxi l-kriterji sabiex tivvaluta s-sinifikat tal-aspetti ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha u tapplikahom sabiex tistabbilixxi liema aspetti ambjentali jkollhom impatt ambjentali sinifikanti minn perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

Il-kriterji żviluppati minn organizzazzjoni għandhom iqisu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u għandhom ikunu komprensivi, jistgħu jiġu ċċekkjati b'mod indipendenti, jistgħu jiġu riprodotti u magħmula disponibbli għall-pubbliku.

Meta tkun qiegħda tistabbilixxi dawn il-kriterji, organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-elementi li ġejjin:

(1)

il-ħsara jew il-benefiċċju potenzjali għall-ambjent, inkluża l-bijodiversità

(2)

il-kundizzjoni tal-ambjent (bħall-fraġilità tal-ambjent lokali, reġjonali jew globali);

(3)

id-daqs, l-għadd, il-frekwenza u r-riversibbiltà tal-aspett jew tal-impatt;

(4)

l-eżistenza u r-rekwiżiti ta' leġiżlazzjoni ambjentali rilevanti;

(5)

il-fehmiet tal-partijiet interessati, inklużi l-impjegati tal-organizzazzjoni

Jistgħu jiġu kkunsidrati elementi rilevanti oħra skont it-tip ta' attivitajiet, prodotti u servizzi tal-organizzazzjoni.

Abbażi tal-kriterji stabbiliti, l-organizzazzjoni għandha tivvaluta s-sinifikat tal-aspetti u l-impatti ambjentali tagħha. Biex tagħmel dan, l-organizzazzjoni għandha tqis kunsiderazzjonijiet li jistgħu jinkludu iżda li mhumiex limitati għal:

(1)

id-dejta eżistenti tal-organizzazzjoni dwar l-inputs ta' materjal u enerġija, l-iskariki, l-iskart u l-emissjonijiet f'termini ta' riskju;

(2)

l-attivitajiet tal-organizzazzjoni li huma regolati b'leġiżlazzjoni ambjentali

(3)

l-attivitajiet ta' akkwist;

(4)

id-disinn, l-iżvilupp, il-fabbrikazzjoni, id-distribuzzjoni, il-manutenzjoni, l-użu, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u r-rimi tal-prodotti tal-organizzazzjoni;

(5)

dawk l-attivitajiet tal-organizzazzjoni li għandhom l-aktar spejjeż ambjentali u benefiċċji ambjentali sinifikattivi.

Meta tkun qiegħda tivvaluta s-sinifikat tal-impatti ambjentali tal-attivitajiet tal-organizzazzjoni, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet normali tal-ħidma, il-kundizzjonijiet tal-bidu u tal-għeluq u l-kundizzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jiġu previsti b'mod raġonevoli. Għandhom jiġu kkunsidrati l-attivitajiet tal-passat, tal-preżent u dawk ippjanati.

6.   Evalwazzjoni tal-feedback mill-investigazzjoni ta' inċidenti preċedenti.

L-organizzazzjoni għandha tqis il-feedback mill-investigazzjoni ta' inċidenti preċedenti li jista' jinfluwenza l-ħila tagħha li tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

7.   Stabbiliment u dokumentazzjoni tar-riskji u l-opportunitajiet.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u tiddokumenta r-riskji u l-opportunitajiet assoċjati mal-aspetti ambjentali tagħha, l-obbligi ta' konformità u kwistjonijiet u rekwiżiti oħra identifikati fil-punti 1 sa 4.

L-organizzazzjoni għandha tiffoka fuq dawk ir-riskji u l-opportunitajiet li jenħtieġ li jiġu indirizzati sabiex ikun assigurat li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tkun tista' tikseb l-objettivi tagħha, biex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa jew inċidenti u biex jinkiseb titjib kontinwu tal-prestazzjonijiet ambjentali tal-organizzazzjoni.

8.   Eżami tal-proċessi, prattiċi u proċeduri eżistenti.

L-organizzazzjoni għandha teżamina l-proċessi, il-prattiċi u l-proċeduri eżistenti u tistabbilixxi liema jkunu meħtieġa sabiex jiġi assigurat il-manteniment fit-tul tal-ġestjoni ambjentali.

ANNESS II

REKWIŻITI TAS-SISTEMA TA' ĠESTJONI AMBJENTALI U KWISTJONIJIET ADDIZZJONALI LI GĦANDHOM JIĠU INDIRIZZATI MILL-ORGANIZZAZZJONIJIET LI JIMPLIMENTAW L-EMAS

Ir-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-EMAS huma dawk stabbiliti fit-Taqsima 4 sa 10 tal-istandard EN ISO 14001:2015. Dawn ir-rekwiżiti huma riprodotti fil-Parti A.

Ir-referenzi magħmula fl-Artikolu 4 għal punti speċifiċi ta' dan l-Anness għandhom jinftiehmu kif ġej:

 

Ir-referenza għall-punt A.3.1 għandha tinftiehem bħala referenza għall-Parti A 6.1

 

Ir-referenza għall-punt A 5.5 għandha tinftiehem bħala referenza għall-Parti A 9.2.

Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-EMAS huma meħtieġa jindirizzaw għadd ta' kwistjonijiet addizzjonali li għandhom rabta diretta ma' għadd ta' elementi tat-Taqsima 4 tal-istandard EN ISO 14001:2015. Dawn ir-rekwiżiti addizzjonali huma elenkati fil-Parti B ta' dan l-Anness.

PARTI A

rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali skont l-EN ISO 14001:2015

PARTI B

rekwiżiti addizzjonali għall-organizzazzjonijiet li jimplimentaw l-EMAS

L-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-iskema ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) għandhom jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-EN ISO 14001:2015 (1) li qed jiġu riprodotti hawn taħt.

A.4   Kuntest tal-organizzazzjoni

A.4.1   Fehim tal-organizzazzjoni u l-kuntest tagħha

L-organizzazzjoni għandha tiddetermina l-kwistjonijiet esterni u interni li huma rilevanti għall-iskop tagħha u li jaffettwaw il-ħila tagħha li tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha. Kwistjonijiet bħal dawn għandhom jinkludu kundizzjonijiet ambjentali li huma affettwati mill-organizzazzjoni jew li jistgħu jaffettwawha.

A.4.2   Komprensjoni tal-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

il-partijiet interessati li huma rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(b)

il-ħtiġijiet u l-aspettattivi rilevanti (jiġifieri r-rekwiżiti) ta' dawn il-partijiet interessati;

(c)

liema minn dawn il-ħtiġijiet u l-aspettattivi jsiru l-obbligi ta' konformità tagħha.

A.4.3   Stabbiliment tal-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-konfini u l-applikabbiltà tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex tistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha.

Fl-istabbiliment ta' dan il-kamp ta' applikazzjoni, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

(a)

il-kwistjonijiet esterni u interni msemmija fil-punt A.4.1;

(b)

l-obbligi ta' konformità msemmija fil-punt A.4.2;

(c)

l-unità(jiet) organizzattiva/i, il-funzjoni(jiet), u l-konfini fiżiċi tagħha;

(d)

l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha;

(e)

l-awtorità u l-ħila tagħha li teżerċita kontroll u influwenza.

Ladarba jiġi definit il-kamp ta' applikazzjoni, l-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi kollha tal-organizzazzjoni fi ħdan dak il-kamp ta' applikazzjoni jridu jiġu inklużi fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Il-kamp ta' applikazzjoni għandu jinżamm bħala informazzjoni dokumentata u jkun disponibbli għall-partijiet interessati.

A.4.4   Sistema ta' ġestjoni ambjentali

Biex tikseb ir-riżultati mistennija, inkluż it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta, iżżomm u kontinwament ittejjeb sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi l-proċessi meħtieġa u l-interazzjonijiet tagħhom, skont ir-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali.

L-organizzazzjoni għandha tqis l-għarfien miksub fil-punti 4.1 u 4.2 meta tistabbilixxi u żżomm is-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

 

A.5   Tmexxija

A.5.1   Tmexxija u impenn

Il-maniġment superjuri għandu juri sens ta' tmexxija u impenn fir-rigward tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali billi:

(a)

jieħu r-responsabbiltà għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(b)

jassigura li jiġu stabbiliti l-politika ambjentali u l-objettivi ambjentali u li dawn ikunu kompatibbli mad-direzzjoni strateġika u l-kuntest tal-organizzazzjoni;

(c)

jassigura l-integrazzjoni tar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni;

(d)

jassigura li r-riżorsi meħtieġa għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali jkunu disponibbli;

(e)

jikkomunika l-importanza ta' ġestjoni ambjentali effettiva u tal-konformità mar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(f)

jassigura li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tikseb ir-riżultati mistennija tagħha;

(g)

imexxi u jappoġġa persuni sabiex jikkontribwixxu għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(h)

jippromwovi t-titjib kontinwu;

(i)

jappoġġa rwoli ta' ġestjoni rilevanti oħra biex juru s-sens ta' tmexxija tagħhom kif japplika għall-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.

Nota:

Ir-referenza għan-“negozju” f'dan l-Istandard Internazzjonali tista' tiġi interpretata b'mod ġenerali biex tfisser dawk l-attivitajiet li huma ċentrali għall-finijiet tal-eżistenza tal-organizzazzjoni.

 

A.5.2   Politika Ambjentali

Il-maniġment superjuri għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politika ambjentali li, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni definit tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tiegħu, din:

(a)

tkun xierqa għall-iskop u l-kuntest tal-organizzazzjoni, inklużi n-natura, l-iskala u l-impatti ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha;

(b)

tipprovdi qafas għall-iffissar tal-objettivi ambjentali;

(c)

tinkludi impenn għall-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-prevenzjoni tat-tniġġis u impenji speċifiċi oħra rilevanti għall-kuntest tal-organizzazzjoni;

Nota:

Impenji speċifiċi oħra għall-protezzjoni tal-ambjent jistgħu jinkludu l-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-addattament għaliha, u l-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi.

(d)

tinkludi impenn li tissodisfa l-obbligi ta' konformità tagħha;

(e)

tinkludi impenn għat-titjib kontinwu tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

Il-politika ambjentali għandha:

tinżamm bħala informazzjoni dokumentata;

tiġi komunikata fi ħdan l-organizzazzjoni;

tkun disponibbli għall-partijiet interessati.

B.1.   Titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom jimpenjaw ruħhom li jtejbu kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tagħhom.

Jekk organizzazzjoni tikkonsisti f'sit wieħed jew aktar, kull wieħed mis-siti li għalih tapplika l-EMAS għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha tal-EMAS inkluż it-titjib kontinwu tal-prestazzjoni ambjentali kif definit fl-Artikolu 2(2).

A.5.3   Rwoli, responsabbiltajiet u awtoritajiet tal-organizzazzjoni

Il-maniġment superjuri għandu jassigura li r-responsabbiltajiet u l-awtoritajiet għar-rwoli rilevanti jiġu assenjati u kkomunikati fi ħdan l-organizzazzjoni.

Il-maniġment superjuri għandu jassenja r-responsabbiltà u l-awtorità:

(a)

sabiex ikun assigurat li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)

sabiex tiġi rappurtata l-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inkluża l-prestazzjoni ambjentali, lill-maniġment superjuri.

B.2.   Rappreżentant(i) tal-maniġment

Il-maniġment superjuri għandu jaħtar rappreżentant(i) speċifiku/ċi tal-maniġment li, irrispettivament minn responsabbiltajiet oħra, għandu jkollu/ikollhom rwoli, responsabbiltajiet u awtorità definiti sabiex jassigura(w) sistema ta' ġestjoni ambjentali f'konformità ma' dan ir-Regolament u jirrappurta(w) lill-maniġment superjuri dwar il-prestazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Ir-rappreżentant tal-maniġment superjuri jista' jkun membru tal-maniġment superjuri tal-organizzazzjoni.

A.6   Ippjanar

A.6.1   Azzjonijiet sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-opportunitajiet

A.6.1.1   Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti fil-punti 6.1.1 sa 6.1.4.

Meta tkun qiegħda tippjana għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

il-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 4.1;

ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 4.2;

il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha; u tistabbilixxi r-riskji u l-opportunitajiet, relatati ma':

l-aspetti ambjentali tagħha (ara l-punt 6.1.2);

l-obbligi ta' konformità tagħha (ara l-punt 6.1.3);

kwistjonijiet u rekwiżiti oħra, identifikati fil-punti 4.1 u 4.2; li jridu jiġu indirizzati sabiex:

tingħata assigurazzjoni li s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tkun tista' tikseb ir-riżultati mistennija tagħha;

jiġu evitati, jew imnaqqsa, l-effetti mhux mixtieqa, inkluż il-potenzjal ta' kundizzjonijiet ambjentali esterni li jaffettwaw lill-organizzazzjoni;

jinkiseb titjib kontinwu.

Fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tiddetermina s-sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza, inklużi dawk li jista' jkollhom impatt ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar:

ir-riskji u l-opportunitajiet li jridu jiġu indirizzati;

il-proċessi meħtieġa fil-punti 6.1.1 sa 6.1.4, safejn ikun meħtieġ sabiex ikun hemm kunfidenza li dawn ikunu qegħdin jitwettqu kif ippjanat.

A.6.1.2   Aspetti ambjentali

Fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni definit tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-aspetti ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħha li hija tista' tikkontrolla u dawk li hija tista' tinfluwenza, u l-impatti ambjentali assoċjati tagħhom, billi tikkunsidra perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja.

Meta tkun qiegħda tiddetermina l-aspetti ambjentali, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra:

(a)

il-bidla, inklużi l-iżviluppi ppjanati jew ġodda, u l-attivitajiet, prodotti u servizzi ġodda jew modifikati;

(b)

kundizzjonijiet abnormali u sitwazzjonijiet ta' emerġenza li jistgħu jiġu previsti b'mod raġonevoli.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi dawk l-aspetti li għandhom jew li jista' jkollhom impatt ambjentali sinifikanti billi tuża kriterji stabbiliti.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha fost id-diversi livelli u funzjonijiet tal-organizzazzjoni, kif ikun xieraq.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar:

l-aspetti ambjentali tagħha u l-impatti ambjentali assoċjati;

il-kriterji użati sabiex tiddetermina l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

Nota:

Aspetti ambjentali sinifikanti jistgħu jirriżultaw f'riskji u opportunitajiet assoċjati jew ma' impatti ambjentali ta' ħsara (theddidiet) jew ma' impatti ambjentali ta' benefiċċju (opportunitajiet).

B.3   Analiżi ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom iwettqu u jiddokumentaw analiżi ambjentali inizjali kif stabbilit fl-Anness I.

L-organizzazzjonijiet barra l-Unjoni għandhom jirreferu wkoll għar-rekwiżiti ġuridiċi relatati mal-ambjent, li jkunu applikabbli għal organizzazzjonijiet simili fl-Istati Membri fejn ikun beħsiebhom jissottomettu applikazzjoni.

A.6.1.3   Obbligi ta' konformità

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi u jkollha aċċess għall-obbligi ta' konformità relatati mal-aspetti ambjentali tagħha;

(b)

tistabbilixxi kif dawn l-obbligi ta' konformità japplikaw għall-organizzazzjoni;

(c)

tqis dawn l-obbligi ta' konformità meta tistabbilixxi, timplimenta, iżżomm u kontinwament ittejjeb is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata tal-obbligi ta' konformità tagħha.

Nota:

L-obbligi ta' konformità jistgħu jirriżultaw f'riskji u opportunitajiet għall-organizzazzjoni.

A.6.1.4   Ippjanar tal-azzjoni

L-organizzazzjoni għandha tippjana:

(a)

biex tieħu azzjonijiet sabiex tindirizza:

(1)

l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

(2)

l-obbligi ta' konformità tagħha;

(3)

ir-riskji u l-opportunitajiet identifikati fil-punt 6.1.1;

(b)

kif:

(1)

tintegra u timplimenta l-azzjonijiet fil-proċessi tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha (ara l-punt 6.2, il-Klawżola 7, il-Klawżola 8 u l-punt 9.1), jew fi proċessi oħra tan-negozju;

(2)

tevalwa l-effettività ta' dawn l-azzjonijiet (ara l-punt 9.1).

Meta tkun qiegħda tippjana dawn l-azzjonijiet, l-organizzazzjoni għandha tikkunsidra l-opzjonijiet teknoloġiċi tagħha u r-rekwiżiti finanzjarji, operattivi u kummerċjali tagħha.

B.4.   Konformità legali

L-organizzazzjonijiet irreġistrati mal-EMAS jew li jkunu jixtiequ jirreġistraw għandhom juru li ssodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

ikunu identifikaw, u jafu l-implikazzjonijiet għall-organizzazzjoni, tar-rekwiżiti ġuridiċi applikabbli kollha relatati mal-ambjent;

(2)

jassiguraw il-konformità legali mal-leġiżlazzjoni ambjentali, inklużi l-permessi u l-limiti tal-permessi u jipprovdu l-evidenza xierqa;

(3)

ikollhom fis-seħħ proċeduri li jippermettu lill-organizzazzjoni li tassigura konformità legali kontinwa mal-leġiżlazzjoni ambjentali.

A.6.2

L-objettivi ambjentali u l-ippjanar sabiex jintlaħqu

 

A.6.2.1   Objettivi ambjentali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi objettivi ambjentali fil-funzjonijiet u l-livelli rilevanti, billi tqis l-aspetti ambjentali sinifikanti u l-obbligi ta' konformità assoċjati tal-organizzazzjoni, u billi tqis ir-riskji u l-opportunitajiet tagħha.

L-objettivi ambjentali għandhom ikunu:

(a)

konsistenti mal-politika ambjentali;

(b)

miżurabbli (jekk ikun prattikabbli);

(c)

immonitorjati;

(d)

ikkomunikati;

(e)

aġġornati kif xieraq.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata dwar l-objettivi ambjentali.

A.6.2.2   Ippjanar tal-azzjonijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali

Meta tkun qiegħda tippjana kif tilħaq l-objettivi ambjentali tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

x'se jsir;

(b)

x'riżorsi se jkunu meħtieġa;

(c)

min se jkun responsabbli;

(d)

meta se jitlesta;

(e)

kif se jiġu evalwati r-riżultati, inklużi l-indikaturi sabiex jiġi mmonitorjat il-progress lejn il-kisba tal-objettivi ambjentali miżurabbli tagħha (ara l-punt 9.1.1).

L-organizzazzjoni għandha tikkunsidra kif l-azzjonijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali tagħha jistgħu jiġu integrati fil-proċessi tan-negozju tal-organizzazzjoni.

B.5.   Objettivi ambjentali

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru illi s-sistema ta' ġestjoni u l-proċeduri ta' verifika jindirizzaw il-prestazzjoni ambjentali attwali tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-aspetti diretti u indiretti.

Il-mezzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri ma jistgħux ikunu objettivi ambjentali.

A.7   Appoġġ

A.7.1   Riżorsi

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u tipprovdi r-riżorsi meħtieġa għall-istabbiliment, l-implimentazzjoni, iż-żamma u t-titjib kontinwu tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

 

A.7.2   Kompetenza

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi l-kompetenza neċessarja tal-persuni li jkunu qegħdin iwettqu xogħol taħt il-kontroll tagħha li jaffettwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha u l-ħila tagħha li tissodisfa l-obbligi ta' konformità tagħha;

(b)

tassigura li dawn il-persuni jkunu kompetenti abbażi ta' edukazzjoni, taħriġ jew esperjenza xierqa;

(c)

tistabbilixxi l-ħtiġijiet ta' taħriġ assoċjati mal-aspetti ambjentali u mas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha;

(d)

fejn ikun applikabbli, tieħu azzjonijiet biex tikseb il-kompetenza neċessarja, u tevalwa l-effettività tal-azzjonijiet meħuda.

Nota:

L-azzjonijiet applikabbli jistgħu jinkludu, pereżempju, l-għoti ta' taħriġ lil, il-mentoraġġ ta', jew ir-riassenjazzjoni tal-persuni attwalment impjegati; jew ir-reklutaġġ jew il-kuntrattar ta' persuni kompetenti.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata xierqa bħala evidenza tal-kompetenza.

B.6.   Involviment tal-impjegati

(1)

L-organizzazzjoni għandha tirrikonoxxi li l-involviment attiv tal-impjegati huwa prerekwiżit u jixpruna t-titjib ambjentali kontinwu u ta' suċċess minbarra li huwa riżorsa ewlenija għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali kif ukoll il-metodu xieraq li bih is-sistema ta' ġestjoni u verifika ambjentali tiġi stabbilita b'suċċess fl-organizzazzjoni.

(2)

L-“involviment tal-impjegati” għandu jinftiehem bħala li jinkludi kemm il-parteċipazzjoni diretta tal-impjegati kif ukoll l-għoti ta' informazzjoni lill-impjegati u lir-rappreżentanti tagħhom. Għalhekk, għandu jkun hemm skema ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fil-livelli kollha. L-organizzazzjoni għandha tirrikonoxxi li t-turija ta' impenn, sensibilità u appoġġ attiv mill-maniġment hija prerekwiżit għas-suċċess ta' dawk il-proċessi. F'dan il-kuntest, il-maniġment għandu jipprovdi feedback xieraq lill-impjegati.

(3)

Minbarra dawn ir-rekwiżiti, l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom ikunu involuti fil-proċess immirat sabiex itejjeb kontinwament il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni permezz ta':

(a)

l-analiżi ambjentali inizjali

(b)

l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ġestjoni u verifika ambjentali li ttejjeb il-prestazzjoni ambjentali,

(c)

kumitati jew gruppi ta' ħidma ambjentali li jiġbru l-informazzjoni u jassiguraw il-parteċipazzjoni tal-uffiċjal għall-ambjent/rappreżentanti tal-maniġment flimkien mal-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom,

(d)

gruppi ta' ħidma konġunti għall-programm ta' azzjoni ambjentali u l-verifika ambjentali,

(e)

il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ambjentali.

(4)

Għal dan il-għan għandhom jintużaw forom xierqa ta' parteċipazzjoni bħalma hi s-sistema tal-ktieb tas-suġġerimenti jew ħidma fi gruppi bbażata fuq proġett jew il-kumitati ambjentali. L-organizzazzjonijiet għandhom jieħdu nota tal-gwida tal-Kummissjoni dwar l-aqwa prassi f'dan il-qasam. Meta jitolbu dan, għandu jiġi involut ukoll kwalunkwe rappreżentant tal-impjegati.

A.7.3   Għarfien

L-organizzazzjoni għandha tassigura li l-persuni li jkunu qegħdin jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni jkunu konxji ta':

(a)

il-politika ambjentali;

(b)

l-aspetti ambjentali sinifikanti u l-impatti ambjentali reali jew potenzjali relatati assoċjati mal-ħidma tagħhom;

(c)

il-kontribut tagħhom għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi l-benefiċċji ta' titjib fil-prestazzjoni ambjentali;

(d)

l-implikazzjonijiet tan-nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inkluż li ma jiġux issodisfati l-obbligi ta' konformità tal-organizzazzjoni.

 

A.7.4   Komunikazzjoni

A.7.4.1   Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa għall-komunikazzjonijiet interni u esterni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, fosthom:

(a)

dak li se tikkomunika;

(b)

meta għandha tikkomunika;

(c)

ma' min għandha tikkomunika;

(d)

kif għandha tikkomunika.

Meta tkun qiegħda tistabbilixxi l-proċess(i) ta' komunikazzjoni tagħha, l-organizzazzjoni għandha:

tikkunsidra l-obbligi ta' konformità tagħha;

tassigura li l-informazzjoni ambjentali kkomunikata tkun konsistenti mal-informazzjoni ġġenerata fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u tkun affidabbli.

L-organizzazzjoni għandha tirrispondi għall-komunikazzjonijiet rilevanti dwar is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tal-komunikazzjonijiet tagħha, kif ikun xieraq.

A.7.4.2   Komunikazzjoni interna

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tikkomunika internament fost id-diversi livelli u funzjonijiet tal-organizzazzjoni informazzjoni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi bidliet fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali, kif ikun xieraq;

(b)

tassigura li l-proċessi ta' komunikazzjoni tagħha jippermettu lill-persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni li jikkontribwixxu għal titjib kontinwu.

 

A.7.4.3   Komunikazzjoni esterna

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika esternament informazzjoni rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, kif stabbilit mill-proċessi ta' komunikazzjoni tal-organizzazzjoni u kif meħtieġ mill-obbligi ta' konformità tagħha.

B.7.   Komunikazzjoni

(1)

L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu kapaċi juru li jwettqu djalogu miftuħ mal-pubbliku, mal-awtoritajiet u ma' partijiet interessati oħra inklużi l-komunitajiet u l-konsumaturi lokali rigward l-impatt ambjentali tal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tagħhom.

(2)

Sabiex jassiguraw livell għoli ta' trasparenza u biex jibnu l-kunfidenza mal-partijiet interessati, l-organizzazzjonijiet irreġistrati fl-EMAS għandhom jiddivulgaw informazzjoni ambjentali speċifika kif definit mill-Anness IV Rappurtar Ambjentali.

A.7.5   Informazzjoni dokumentata

A.7.5.1   Ġenerali

Is-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-informazzjoni dokumentata mitluba minn dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)

l-informazzjoni dokumentata stabbilita mill-organizzazzjoni bħala neċessarja għall-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

Nota:

Il-firxa tal-informazzjoni dokumentata għal sistema ta' ġestjoni ambjentali tista' tvarja minn organizzazzjoni għall-oħra minħabba:

id-daqs tal-organizzazzjoni u t-tip ta' attivitajiet, proċessi, prodotti u servizzi tagħha;

il-ħtieġa li jintwera l-issodisfar tal-obbligi ta' konformità tagħha;

il-kumplessità tal-proċessi u l-interazzjonijiet tagħhom;

il-kompetenza tal-persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tal-organizzazzjoni.

A.7.5.2   Tfassil u aġġornament

Meta tfassal u taġġorna informazzjoni dokumentata, l-organizzazzjoni għandha tassigura:

(a)

identifikazzjoni u deskrizzjoni xierqa (eż. titlu, data, awtur, jew numru ta' referenza);

(b)

format (eż. lingwa, verżjoni tas-softwer, grafika) u mezzi (eż. karta, elettronika) xierqa;

(c)

eżami u approvazzjoni xierqa għall-idoneità u l-adegwatezza.

A.7.5.3   Kontroll tal-informazzjoni dokumentata

L-informazzjoni dokumentata mitluba mis-sistema ta' ġestjoni ambjentali u minn dan l-Istandard Internazzjonali għandha tiġi kkontrollata sabiex ikun assigurat li:

(a)

tkun disponibbli u adatta għall-użu, fejn u meta tkun meħtieġa;

(b)

tkun protetta adegwatament (eż. kontra t-telf tal-kunfidenzjalità, l-użu mhux xieraq, jew it-telf tal-integrità).

Għall-kontroll tal-informazzjoni dokumentata, l-organizzazzjoni għandha tindirizza l-attivitajiet li ġejjin kif applikabbli:

id-distribuzzjoni, l-aċċess, l-irkupru u l-użu;

il-ħażna u l-preservazzjoni, inkluża l-preservazzjoni tal-leġġibbiltà;

il-kontroll tal-bidliet (eż. il-kontroll tal-verżjoni);

iż-żamma u r-rimi.

L-informazzjoni dokumentata ta' oriġni esterna meqjusa bħala meħtieġa mill-organizzazzjoni għall-ippjanar u t-tħaddim tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali għandha tiġi identifikata, kif xieraq, u kkontrollata.

Nota

L-aċċess jista' jimplika deċiżjoni rigward il-permess biex wieħed jara l-informazzjoni dokumentata biss, jew il-permess u l-awtorità biex wieħed jara u jbiddel l-informazzjoni dokumentata.

A.8   Operat

A.8.1   Ippjanar u kontroll operattiv

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta, tikkontrolla u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u biex timplimenta l-azzjonijiet identifikati fil-punti 6.1 u 6.2, billi:

tistabbilixxi kriterji tal-operat għall-proċess(i);

timplimenta kontroll tal-proċess(i), skont il-kriterji tal-operat.

Nota:

Il-kontrolli jistgħu jinkludu kontrolli u proċeduri tal-inġinerija. Il-kontrolli jistgħu jiġu implimentati skont ġerarkija (eż. eliminazzjoni, sostituzzjoni, amministrattivi) u jistgħu jintużaw individwalment jew f'kombinazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha tikkontrolla l-bidliet ippjanati u tanalizza l-konsegwenzi ta' bidliet mhux intenzjonati, filwaqt li tieħu azzjoni sabiex ittaffi kwalunkwe effett negattiv, kif ikun meħtieġ.

L-organizzazzjoni għandha tassigura li proċess(i) esternalizzat(i) jiġi/jiġu kkontrollat(i) jew influwenzat(i). It-tip u l-firxa tal-kontroll jew tal-influwenza li għandhom jiġu applikati għall-proċess(i) għandhom jiġu definiti fi ħdan is-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

B'mod konsistenti ma' perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, l-organizzazzjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi kontrolli, kif ikun xieraq, sabiex tassigura li r-rekwiżit(i) ambjentali tagħha jiġu indirizzati fil-proċess tat-tfassil u l-iżvilupp għall-prodott jew servizz, billi jitqies kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

(b)

tistabbilixxi r-rekwiżit(i) ambjentali tagħha għall-akkwist ta' prodotti u servizzi, kif ikun xieraq;

(c)

tikkomunika r-rekwiżit(i) ambjentali rilevanti tagħha lill-fornituri esterni, inklużi l-kuntratturi;

(d)

tikkunsidra l-ħtieġa li tipprovdi informazzjoni dwar impatti ambjentali sinifikanti potenzjali

assoċjati mat-trasport jew il-kunsinna, l-użu, it-trattament fi tmiem il-ħajja u r-rimi finali tal-prodotti u s-servizzi tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata sa fejn ikun meħtieġ sabiex ikollha l-kunfidenza li l-proċess(i) twettqu kif ippjanat.

A.8.2   Stat ta' tħejjija u rispons għal emerġenzi

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tipprepara għal u tirrispondi għas-sitwazzjonijiet potenzjali ta' emerġenza identifikati fil-punt 6.1.1.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tipprepara biex tirrispondi billi tippjana azzjonijiet biex tipprevjeni jew ittaffi l-impatti ambjentali ħżiena minn sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

(b)

tirrispondi għal sitwazzjonijiet reali ta' emerġenza;

(c)

tieħu azzjoni biex tipprevjeni jew ittaffi l-konsegwenzi ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza, xierqa għad-daqs tal-emerġenza u l-impatt ambjentali potenzjali;

(d)

tittestja perjodikament l-azzjonijiet ta' rispons ippjanati, fejn ikun prattikabbli;

(e)

teżamina u tirrevedi perjodikament il-proċessi u l-azzjonijiet ta' rispons ippjanati, b'mod partikolari wara li jseħħu sitwazzjonijiet ta' emerġenza jew testijiet;

(f)

tipprovdi informazzjoni u taħriġ rilevanti relatati mal-istat ta' tħejjija u r-rispons għal emerġenzi, kif ikun xieraq, lil partijiet interessati rilevanti, inklużi persuni li jaħdmu taħt il-kontroll tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata sal-punt meħtieġ sabiex ikollha l-kunfidenza li l-proċess(i) ikunu qegħdin jitwettqu kif ippjanat.

A.9   Evalwazzjoni tal-prestazzjoni

A.9.1   Monitoraġġ, kejl, analiżi u evalwazzjoni

A.9.1.1   Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha timmonitorja, tkejjel, tanalizza u tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha.

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

liema ħtiġijiet iridu jiġu mmonitorjati u mkejla;

(b)

il-metodi għall-monitoraġġ, il-kejl, l-analiżi u l-evalwazzjoni, kif applikabbli, biex tassigura riżultati validi;

(c)

il-kriterji li magħhom l-organizzazzjoni se tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha, u indikaturi xierqa;

(d)

meta għandu jitwettaq il-monitoraġġ u l-kejl;

(e)

meta għandhom jiġu analizzati u evalwati r-riżultati mill-monitoraġġ u l-kejl.

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li jintuża u jinżamm tagħmir għall-monitoraġġ u l-kejl li jkun kalibrat jew verifikat, kif ikun xieraq.

L-organizzazzjoni għandha tevalwa l-prestazzjoni ambjentali tagħha u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha tikkomunika informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni ambjentali kemm internament kif ukoll esternament, kif identifikat fil-proċess(i) ta' komunikazzjoni tagħha u kif meħtieġ mill-obbligi ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata xierqa bħala evidenza tar-riżultati tal-monitoraġġ, il-kejl, l-analiżi u l-evalwazzjoni.

A.9.1.2   Evalwazzjoni tal-konformità

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm il-proċessi meħtieġa sabiex tevalwa t-twettiq tal-obbligi ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tistabbilixxi l-frekwenza li biha se tiġi evalwata l-konformità;

(b)

tevalwa l-konformità u tieħu azzjoni jekk ikun meħtieġ;

(c)

iżżomm għarfien u fehim tal-istat ta' konformità tagħha.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tar-riżultat(i) tal-evalwazzjoni tal-konformità.

A.9.2   Verifika interna

A.9.2.1   Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki interni f'intervalli ppjanati sabiex tipprovdi informazzjoni dwar jekk is-sistema ta' ġestjoni ambjentali:

(a)

tikkonformax ma':

(1)

ir-rekwiżiti proprji tal-organizzazzjoni għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha;

(2)

ir-rekwiżiti ta' dan l-Istandard Internazzjonali;

(b)

tkunx implimentata u miżmuma b'mod effettiv.

A.9.2.2   Programm ta' verifika interna

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi, timplimenta u żżomm programmi ta' verifika interna, li jinkludu l-frekwenza, il-metodi, ir-responsabbiltajiet, ir-rekwiżiti ta' ppjanar u r-rappurtar tal-verifiki interni tagħha.

Fl-istabbiliment tal-programm ta' verifika interna, l-organizzazzjoni għandha tqis l-importanza ambjentali tal-proċessi kkonċernati, il-bidliet li jaffettwaw lill-organizzazzjoni u r-riżultati ta' verifiki preċedenti.

L-organizzazzjoni għandha:

(a)

tiddefinixxi l-kriterji tal-verifika u l-kamp ta' applikazzjoni għal kull verifika;

(b)

tagħżel l-awdituri u twettaq verifiki sabiex tassigura l-oġġettività u l-imparzjalità tal-proċess ta' verifika;

(c)

tassigura li r-riżultati tal-verifiki jiġu rrappurtati lill-maniġment rilevanti.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tal-implimentazzjoni tal-programm ta' verifika u tar-riżultati tal-verifiki.

A.9.3   Reviżjoni tal-ġestjoni

Il-maniġment superjuri għandu jeżamina s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, f'intervalli ppjanati, sabiex jassigura l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività kontinwa tagħha.

Ir-reviżjoni tal-ġestjoni għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta':

(a)

l-istatus ta' azzjonijiet minn eżamijiet preċedenti mill-maniġment;

(b)

bidliet fi:

(1)

il-kwistjonijiet esterni u interni li jkunu rilevanti għas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

(2)

il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-partijiet interessati, inklużi l-obbligi ta' konformità;

(3)

l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha;

(4)

ir-riskji u l-opportunitajiet;

(c)

sa fejn intlaħqu l-objettivi ambjentali;

(d)

l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, inklużi x-xejriet fi:

(1)

in-nuqqasijiet ta' konformità u l-azzjonijiet korrettivi;

(2)

ir-riżultati tal-monitoraġġ u tal-kejl;

(3)

l-issodisfar tal-obbligi ta' konformità tagħha;

(4)

ir-riżultati tal-verifiki;

(e)

l-adegwatezza tar-riżorsi;

(f)

il-komunikazzjoni(jiet) rilevanti mill-partijiet interessati, inklużi l-ilmenti;

(g)

l-opportunitajiet għal titjib kontinwu.

Ir-riżultati tal-eżami mill-maniġment għandhom jinkludu:

konklużjonijiet dwar l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività kontinwa tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali;

deċiżjonijiet relatati mal-opportunitajiet għal titjib kontinwu;

deċiżjonijiet relatati ma' kwalunkwe ħtieġa ta' tibdil fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali, inklużi r-riżorsi;

l-azzjonijiet, jekk ikun meħtieġa, meta l-objettivi ambjentali ma jkunux intlaħqu;

l-opportunitajiet sabiex tittejjeb l-integrazzjoni tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali ma' proċessi oħra tan-negozju, jekk ikun meħtieġ;

kwalunkwe implikazzjoni għad-direzzjoni strateġika tal-organizzazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza tar-riżultati tal-eżamijiet mill-maniġment.

A.10   Titjib

A.10.1   Ġenerali

L-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi l-opportunitajiet għal titjib (ara l-punti 9.1, 9.2 u 9.3) u timplimenta l-azzjonijiet neċessarji biex tikseb ir-riżultati mistennija tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali tagħha.

A.10.2   Nuqqas ta' konformità u azzjoni korrettiva

Meta jseħħ nuqqas ta' konformità, l-organizzazzjoni għandha:

(a)

tirreaġixxi għan-nuqqas ta' konformità u, kif ikun applikabbli:

(1)

tieħu azzjoni sabiex tikkontrollah u tikkoreġih;

(2)

tindirizza l-konsegwenzi, inkluż billi ttaffi l-impatti ambjentali ħżiena;

(b)

tevalwa l-ħtieġa ta' azzjoni sabiex telimina l-kawżi tan-nuqqas ta' konformità, sabiex dan ma jerġax iseħħ jew iseħħ post ieħor, billi:

(1)

tirrevedi n-nuqqas ta' konformità;

(2)

tistabbilixxi l-kawżi tan-nuqqas ta' konformità;

(3)

tistabbilixxi jekk jeżistux, jew jistgħux potenzjalment iseħħu, nuqqasijiet ta' konformità simili;

(c)

timplimenta kwalunkwe azzjoni meħtieġa;

(d)

tirrevedi l-effettività ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva li tittieħed;

(e)

jekk ikun meħtieġ, tagħmel bidliet fis-sistema ta' ġestjoni ambjentali.

L-azzjonijiet korrettivi għandhom ikunu xierqa għas-sinifikat tal-effetti tan-nuqqasijiet ta' konformità li jkun hemm, inkluż l-impatt(i) ambjentali.

L-organizzazzjoni għandha żżomm informazzjoni dokumentata bħala evidenza ta':

in-natura tan-nuqqasijiet ta' konformità u kwalunkwe azzjoni suċċessiva li tittieħed;

ir-riżultati ta' kwalunkwe azzjoni korrettiva.

A.10.3   Titjib kontinwu

L-organizzazzjoni għandha ttejjeb kontinwament l-idoneità, l-adegwatezza u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali sabiex ittejjeb il-prestazzjoni ambjentali.

 

ANNESS III

VERIFIKA AMBJENTALI INTERNA

1.   Il-programm ta' verifika u l-frekwenza tal-verifiki

1.1.   Programm ta' verifika

Il-programm ta' verifika għandu jiggarantixxi li l-maniġment tal-organizzazzjoni jingħata l-informazzjoni li jeħtieġ sabiex janalizza l-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni u l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni ambjentali, u li jkun jista' juri li dawn jinsabu taħt kontroll.

1.2.   Objettivi tal-programm ta' verifika

L-objettivi għandhom jinkludu, b'mod partikolari, il-valutazzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni li jkun hemm fis-seħħ u l-istabbiliment tal-konformità mal-politika u l-programm tal-organizzazzjoni, li għandhom jinkludu l-konformità mar-rekwiżiti legali u rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent.

1.3.   Kamp ta' applikazzjoni tal-programm ta' verifika

Il-kamp ta' applikazzjoni ġenerali tal-verifiki individwali, jew ta' kull stadju ta' ċiklu ta' verifika fejn ikun xieraq, għandu jiġi definit b'mod ċar u għandu jispeċifika b'mod espliċitu:

(1)

l-oqsma tas-suġġetti koperti;

(2)

l-attivitajiet li għandhom jiġu vverifikati;

(3)

il-kriterji ambjentali li għandhom jitqiesu;

(4)

il-perjodu kopert mill-verifika.

Il-verifika ambjentali tinkludi valutazzjoni tad-dejta fattwali meħtieġa sabiex tigi evalwata l-prestazzjoni ambjentali.

1.4.   Frekwenza tal-verifiki

Il-verifika jew iċ-ċiklu ta' verifika li jkopri l-attivitajiet kollha tal-organizzazzjoni għandhom jitlestew, kif ikun xieraq, f'intervalli ta' mhux aktar minn tliet snin jew ta' erba' snin jekk tapplika d-deroga prevista fl-Artikolu 7. Il-frekwenza li biha tiġi vverifikata kwalunkwe attività se tvarja skont:

(1)

in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet;

(2)

is-sinifikat tal-impatti ambjentali assoċjati;

(3)

l-importanza u l-urġenza tal-problemi misjuba minn verifiki preċedenti;

(4)

il-problemi ambjentali tal-imgħoddi.

Attivitajiet aktar kumplessi b'impatt ambjentali aktar sinifikanti għandhom jiġu vverifikati aktar ta' spiss.

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki tal-anqas fuq bażi annwali, peress li dan se jgħin biex juri lill-maniġment tal-organizzazzjoni u lill-verifikatur ambjentali li hija għandha l-kontroll fuq l-aspetti ambjentali sinifikanti tagħha.

L-organizzazzjoni għandha twettaq verifiki dwar:

(1)

il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni; u

(2)

il-konformità tal-organizzazzjoni mar-rekwiżiti legali applikabbli u rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent.

2.   Attivitajiet ta' verifika

L-attivitajiet ta' verifika għandhom jinkludu diskussjonijiet mal-persunal dwar il-prestazzjoni ambjentali, spezzjoni tal-kundizzjonijiet ta' ħidma u t-tagħmir u eżami tar-rekords, il-proċeduri bil-miktub u dokumentazzjoni rilevanti oħra. Dawk l-attivitajiet għandhom jitwettqu bil-għan li tiġi evalwata l-prestazzjoni ambjentali tal-attività li tkun qed tiġi verifikata sabiex jiġi determinat jekk tissodisfax l-istandards, ir-regolamenti jew l-objettivi u l-miri ambjentali applikabbli. Hija għandha tistabbilixxi wkoll jekk is-sistema li tkun fis-seħħ għall-ġestjoni tar-responsabbiltajiet u l-prestazzjoni ambjentali tkunx effettiva u xierqa u għalhekk, fost l-oħrajn, se tinkludi kontrolli fuq il-post tal-konformità ma' dawn il-kriterji biex tiddetermina l-effettività tas-sistema ta' ġestjoni sħiħa.

Il-passi li ġejjin għandhom, b'mod partikolari, jiġu inklużi fil-proċess tal-verifika:

(1)

il-komprensjoni tas-sistemi ta' ġestjoni;

(2)

il-valutazzjoni tal-punti qawwija u dawk dgħajfa tas-sistemi ta' ġestjoni;

(3)

il-ġbir tal-evidenza sabiex jintwera fejn is-sistema ta' ġestjoni tkun jew ma tkunx qiegħda tagħti r-riżultati;

(4)

il-valutazzjoni tas-sejbiet tal-verifika;

(5)

it-tħejjija tal-konklużjonijiet tal-verifika;

(6)

ir-rappurtar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika.

3.   Rappurtar tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-verifika

L-għanijiet fundamentali ta' rapport bil-miktub tal-verifika huma:

(1)

li jiddokumenta l-kamp ta' applikazzjoni tal-verifika;

(2)

li jinforma lill-maniġment dwar l-istat ta' konformità mal-politika ambjentali tal-organizzazzjoni u dwar il-progress ambjentali tal-organizzazzjoni

(3)

li jinforma lill-maniġment dwar l-istat ta' konformità mar-rekwiżiti legali u ma' rekwiżiti oħra relatati mal-ambjent u dwar il-miżuri meħuda sabiex ikun assigurat li tkun tista' tintwera l-konformità;

(4)

li jinforma lill-maniġment dwar l-effettività u l-affidabbiltà tal-miżuri meħuda sabiex jiġu mmonitorjati u mnaqqsa l-impatti ambjentali tal-organizzazzjoni;

(5)

li juri l-ħtieġa ta' azzjonijiet korrettivi, meta jkun xieraq.

Ir-rapport bil-miktub tal-verifika għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja sabiex jikkonforma ma' dawn l-għanijiet.


(1)  L-użu tat-test tal-istandard nazzjonali riprodott f'dan l-Anness qed isir bil-permess tas-CEN. It-test sħiħ tal-istandard nazzjonali jista' jinxtara mill-Korpi Nazzjonali tal-Istandardizzazzjoni, li l-lista tagħhom tinsab fuq is-sit web tas-CEN. L-ebda tip ta' riproduzzjoni ta' dan l-Anness għal raġunijiet kummerċjali ma hija permessa.


29.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1506

tat-28 ta' Awwissu 2017

li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva idrażid malejku skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 20(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/31/KE (2) inkludiet l-idrażid malejku fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (3) bħala sustanza attiva.

(2)

Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE jitqiesu approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tniżżlu fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (4).

(3)

Kif stipulat fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011, l-approvazzjoni tas-sustanza attiva idrażid malejku tiskadi fil-31 ta' Ottubru 2017.

(4)

Tressqet applikazzjoni biex tiġġedded l-approvazzjoni tal-idrażid malejku skont l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 (5) matul il-perjodu taż-żmien previst f'dak l-Artikolu.

(5)

L-applikant ressaq il-fajls addizzjonali meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

(6)

L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ressqu lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fit-30 ta' April 2015.

(7)

L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-kummenti tagħhom, u għaddiet il-kummenti li rċeviet lill-Kummissjoni. L-Awtorità għamlet ukoll il-fajl tas-sommarju addizzjonali għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(8)

Fid-29 ta' April 2016, l-Awtorità bagħtet il-konklużjoni tagħha lill-Kummissjoni (6) dwar jekk jistax ikun mistenni li l-idrażid malejku jissodisfa l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Kummissjoni ressqet l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid għall-idrażid malejku lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-6 ta' Ottubru 2016.

(9)

L-applikant ingħata l-opportunità jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-abbozz tar-rapport tat-tiġdid.

(10)

Dwar l-użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-idrażid malejku, ġie stabbilit li ġew issodisfati l-kriterji tal-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Għalhekk jixraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-idrażid malejku.

(11)

Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-idrażid malejku hi bbażata fuq għadd limitat ta' użi rappreżentattivi li madankollu ma jillimitawx l-użi li għalihom jistgħu jiġu awtorizzati l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom l-idrażid malejku. Għalhekk jixraq li titneħħa r-restrizzjoni fuq l-użu esklussiv bħala regolatur ta' kemm jikbru l-pjanti.

(12)

Madankollu, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, hu meħtieġ li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet u restrizzjonijiet. B'mod partikolari jixraq li jiġi stabbilit livell massimu għall-impurità tossikoloġikament rilevanti idrażin fis-sustanza attiva kif manifatturata, fil-livell li għall-Awtorità hu meqjus li mhux ta' periklu, jiġifieri 0,028 mg/kg.

(13)

Iżda b'rabta ma' dan il-livell massimu jixraq li l-produtturi jkollhom żmien biżżejjed biex jimplimentaw il-proċessi ta' manifattura u l-kontrolli meħtieġa.

(14)

Għalhekk, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ jiġi emendat skont dan.

(15)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva

L-approvazzjoni tas-sustanza attiva idrażid malejku qed tiġġedded kif stabbilit fl-Anness I.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 hu emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ u d-data ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2017 għajr għad-dispożizzjoni dwar il-kontenut tal-idrażin speċifikati fil-kolonna “Purità” tat-tabella tal-Anness I, li għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/31/KE tal-11 ta' April 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE sabiex tinkludi l-2,4-DB, il-beta-cyfluthrin, is-cyfluthrin, l-iprodione, il-linuron, il-maleic hydrazide u l-pendimethalin bħala sustanzi attivi (ĠU L 101, 23.4.2003, p. 3).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2012 tat-18 ta' Settembru 2012 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proċedura ta' tiġdid għas-sustanzi attivi, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 252, 19.9.2012, p. 26).

(6)  EFSA Journal 2016;14(5):4492. Jinsab fuq www.efsa.europa.eu.


ANNESS I

Isem Komuni,

Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

Idrażid malejku

Nru tal-CAS 123-33-1

Nru tas-CIPAC 310

6-idrossi-2H-piridażin-3-on

≥ 979 g/kg

Sal-1 ta' Novembru 2018, l-impurità tal-idrażin ma għandhiex taqbeż il-1 mg/kg fil-materjal tekniku.

Mill-1 ta' Novembru 2018, l-impurità tal-idrażin ma għandhiex taqbeż iż-0,028 mg/kg fil-materjal tekniku.

fl-1 ta' Novembru 2017.

fil-31 ta' Ottubru 2032.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar l-idrażid malejku, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan:

il-protezzjoni tal-konsumaturi;

is-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema; il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu l-applikazzjoni tat-tagħmir protettiv personali adattat.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta xieraq, it-tikketta tal-għelejjel trattati tkun tinkludi l-indikazzjoni li l-prodotti ġew trattati bl-idrażid malejku, u jinhemżu magħha l-istruzzjonijiet biex jiġi evitat l-esponiment tal-bhejjem.

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, meta xieraq.


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


ANNESS II

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 hu emendat kif ġej:

(1)

fil-Parti A titħassar l-entrata 52 dwar l-idrażid malejku;

(2)

fil-Parti B, tiżdied din l-entrata:

Numru

Isem Komuni,

Numri ta' Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Data tal-approvazzjoni

Skadenza tal-approvazzjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“117

Idrażid malejku

Nru tal-CAS 123-33-1

Nru tas-CIPAC 310

6-idrossi-2H-piridażin-3-on

≥ 979 g/kg

Sal-1 ta' Novembru 2018, l-impurità tal-idrażin ma għandhiex taqbeż il-1 mg/kg fil-materjal tekniku.

Mill-1 ta' Novembru 2018, l-impurità tal-idrażin ma għandhiex taqbeż iż-0,028 mg/kg fil-materjal tekniku.

fl-1 ta' Novembru 2017.

fil-31 ta' Ottubru 2032.

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tat-tiġdid dwar l-idrażid malejku, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.

F'din il-valutazzjoni ġenerali, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dan:

il-protezzjoni tal-konsumaturi;

is-sikurezza tal-operaturi u l-ħaddiema; il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu l-applikazzjoni tat-tagħmir protettiv personali adattat.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta xieraq, it-tikketta tal-għelejjel trattati tkun tinkludi l-indikazzjoni li l-prodotti ġew trattati bl-idrażid malejku, u jinhemżu magħha l-istruzzjonijiet biex jiġi evitat l-esponiment tal-bhejjem.

Meta jkun xieraq, il-kondizzjonijiet tal-użu għandhom jinkludu miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


DEĊIŻJONIJIET

29.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1507

tat-28 ta' Awwissu 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2005/37/KE li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/861/KE tat-8 ta' Diċembru 2003 li tikkonċerna l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta' muniti foloz tal-euro (1),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/862/KE tat-8 ta' Diċembru 2003 li testendi l-effetti tad-Deċiżjoni 2003/861/KE dwar l-analiżi u l-koperazzjoni fir-rigward ta' muniti foloz tal-ewro f'dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro bħala l-munita unika tagħhom (2),

Billi:

(1)

Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) jistipula l-koordinazzjoni ta' azzjonijiet tekniċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bil-għan li jħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar L-ETSC ġie stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni bħala parti mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE (3).

(2)

Fl-2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li torganizza mill-ġdid is-servizzi tagħha u li titrasferixxi l-funzjonijiet relatati mat-tħejjija tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji tal-Kummissjoni bil-għan li tħares l-euro mill-iffalsifikar, u li tappoġġa dak il-qasam permezz ta' taħriġ u assistenza teknika mill-OLAF għad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DĠ ECFIN). Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom (4) ġiet emendata biex tirrifletti dik il-bidla.

(3)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/37/KE 'l hawn, ġew adottati għadd ta' atti legali addizzjonali li jallokaw funzjonijiet lill-ETSC. Għalhekk, il-ETSC jissodisfa obbligazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 (6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2183/2004 (7), u jikkontribwixxi għat-twettiq tal-objettivi tal-programm “Pericles 2020” skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 (9). Dawn il-funzjonijiet għandhom jiżdiedu mal-funzjonijiet imsemmija speċifikament fid-Deċiżjoni 2005/37/KE.

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni 2005/37/KE tiġi emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Iċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) huwa stabbilit fi ħdan id-DĠ ECFIN fi Brussell.

2.   Għall-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ ECFIN għandu s-setgħa li jieħu l-azzjonijiet meħtieġa u li jikkonkludi l-arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi u ma' entitajiet privati u b'hekk jippermetti lill-ETSC biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu. Dawn l-arranġamenti amministrattivi jistgħu jikkonċernaw, b'mod partikolari, it-trażmissjoni u l-iskambju ta' informazzjoni teknika.”

(2)

l-Artikolu 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

L-ETSC għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

janalizza u jikklassifika kull tip ġdid ta' munita tal-euro ffalsifikata skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001;

(b)

jikkontribwixxi biex ikunu ssodisfati l-objettivi tal-programm Pericles 2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1);

(c)

iwettaq il-funzjonijiet skont l-Artikoli 4, 5, 7 u 12 tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2) u taħt l-Artikoli 2, 4, 5 u 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 (*3);

(d)

jagħti assistenza liċ-Ċentri Nazzjonali ta' Analiżi tal-Muniti (CNAC) u lill-awtoritajiet tal-pulizija, kif ukoll jikkollabora mal-awtoritajiet rilevanti bl-iskop li l-muniti foloz tal-euro jkunu analizzati u sabiex jissaħħaħ il-ħarsien.

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1)."

(*3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta' Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1)”;"

(3)

Fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 3, il-kelma “OLAF” hija mibdula b'“DĠ ECFIN”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 44.

(2)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 45.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/37/KE tad-29 ta' Ottubru 2004 li tistabbilixxi ċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew (ETSC) u tistipula l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tekniċi bil-għan li tħares il-muniti tal-euro mill-iffalsifikar (ĠU L 19 21.1.2005, p. 73).

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/352/KE, KEFA, Euratom tat-28 ta' April 1999 li twaqqaf l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU L 136, 31.5.1999, p. 20).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta' muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 339, 22.12.2010, p. 1)

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta' Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2183/2004 tas-6 ta' Diċembru 2004 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 7).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”), u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/923/KE, 2001/924/KE, 2006/75/KE, 2006/76/KE, 2006/849/KE u 2006/850/KE (ĠU L 103, 5.4.2014, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/768 tal-11 ta' Mejju 2015 li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 331/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta' skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) għal Stati Membri mhux parteċipanti (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 1).