ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 202

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
3 ta' Awwissu 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1410 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1411 tat-2 ta' Awwissu 2017 li jemenda għall-273 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1412 tal-1 ta' Awwissu 2017 dwar ir-rikonoxximent ta' Fiġi skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara (notifikata bid-dokument C(2017) 5277)  ( 1 )

6

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta' Awwissu 2016 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn kemm kemm immodifikati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ( ĠU L 214, 9.8.2016 )

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1410

tat-2 ta' Awwissu 2017

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prodotti kożmetiċi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sigurtà tal-Konsumatur (SCCS) ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu tas-26–27 ta' Ġunju 2012 (2) li 3- u 4-(4-Idrossi-4-metilpentil) ċikloeż-3-en-1-karbaldeid (HICC), bl-isem INCI Idrossisoeżil 3-Ċikloeżen Karboksaldeid, 2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (atranol) u 3-Kloro-2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (kloroatranol) ma għandhomx jintużaw fi prodotti kosmetiċi għaliex huma allerġeni tal-fwejjaħ li kkawżaw l-ogħla numru ta' każijiet tal-allerġiji bil-kuntatt f'dawn l-aħħar snin.

(2)

Konsegwentement, hemm riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u jenħtieġ għalhekk li dawk is-sustanzi jiġu pprojbiti fil-prodotti kosmetiċi.

(3)

L-HICC huwa rregolat bl-entrata Nru 79 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009, fejn jipprovdi li l-preżenza tiegħu trid tiġi indikata fil-lista ta' ingredjenti msemmija fl-Artikolu 19(1)(g) ta' dak ir-Regolament meta l-konċentrazzjoni tiegħu taqbeż il-0,001 % fi prodotti li ma jitlaħalħux u 0,01 % fi prodotti li jitlaħalħu. Billi l-HICC jenħtieġ ikun ipprojbit fil-prodotti kosmetiċi, huwa neċessarju li titħassar dik l-entrata.

(4)

L-SCCS indika fl-opinjoni tiegħu tas-26-27 ta' Ġunju 2012 li atranol u kloroatranol huma komponenti naturali tal-ħażiż tas-siġar tal-ballut (Evernia prunastri) u estratti tal-ħażiż tas-siġar (Evernia furfuracea) regolat bl-entrati Nri 91 u 92, rispettivament, tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

(5)

Huwa xieraq li jingħataw perjodi ta' żmien raġonevoli sabiex l-industrija tadatta għall-projbizzjonijiet ġodda u għal din ir-raġuni ma jibqgħux jitqiegħdu jew isiru disponibbli fis-suq il-prodotti konċernati li jkun fihom waħda jew aktar mis-sustanzi pprojbiti. Meta jiġu biex jiddeterminaw dawn il-perjodi taż-żmien, jenħtieġ li jitqies ukoll ir-riskju potenzjali ta' dawk il-prodotti għas-saħħa tal-bniedem. Ir-restrizzjoni għall-HICC stabbilita fl-entrata 79 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jenħtieġ tibqa' tapplika sakemm id-disponibilità tal-prodotti li fihom din is-sustanza ma tibqax permessa. Għalhekk it-tħassir ta' din l-entrata għandu jiġi diferit.

(6)

B'mod partikolari, il-proċedura eċċezzjonalment ikkumplikata u twila għar-riformulazzjoni tal-fwieħa u t-tħassib tal-konsumaturi dwar il-bidla tal-proprjetajiet olfattivi tal-fwejjaħ għandha tkun riflessa fit-tul taż-żmien itwal mis-soltu tal-iskadenza mogħtija lill-industrija għall-aġġustamenti ta' prodotti. Il-manifestazzjonijiet ta' allerġiji bil-kuntatt għall-fwejjaħ huma normalment limitati għall-ġielda. Il-konsumaturi li jbatu mill-allerġija bil-kuntatt għall-allerġeni tal-fwejjaħ ta' spiss ikunu jafu li ma jistgħux jittolleraw il-prodotti tal-fwieħa fuq il-ġilda tagħhom u għalhekk jistgħu jevitawhom.

(7)

Jenħtieġ għalhekk li l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Kożmetiċi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Mit-23 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew iżjed mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

Mit-23 ta' Awwissu 2021 il-prodotti kożmetiċi li fihom waħda jew iżjed mis-sustanzi pprojbiti minn dan ir-Regolament ma għandhomx isiru disponibbli fis-suq tal-Unjoni.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt (2) tal-Anness għandu japplika mit-23 ta' Awwissu 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(2)  SCCS/1459/11.


ANNESS

L-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 jiġu emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, fit-tabella, jiżdiedu dawn it-tliet entrati:

In-numru ta' referenza

L-identifikazzjoni tas-sustanza

L-isem kimiku/INN

In-numru CAS

In-numru KE

a

b

c

d

“1380

3- u 4-(4-Idrossi-4-metilpentil) ċikcloeż-3-en-1-karbaldeid (HICC) (*1)

51414-25-6/

31906-04-4/

257-187-9/

250-863-4/

1381

2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (atranol) (*1)

526-37-4/

1382

3-Kloro-2,6-Diidrossi-4-metil-benżaldeid (kloroatranol) (*1)

57074-21-2/

(2)

fl-Anness III, fit-tabella, titħassar l-entrata 79.


(*1)  Mit-23 ta' Awwissu 2019 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Mit-23 ta' Awwissu 2021 il-prodotti kożmetiċi li fihom dik is-sustanza ma għandhomx ikunu disponibbli fis-suq tal-Unjoni.”


3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1411

tat-2 ta' Awwissu 2017

li jemenda għall-273 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fit-28 ta' Lulju 2017, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jneħħi persuna fiżika mil-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta' fondi u ta' riżorsi ekonomiċi. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)   ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, l-entrata li ġejja taħt l-intestatura “Persuni naturali” titħassar:

“Adil Muhammad Mahmud Abd Al-Khaliq (magħruf ukoll bħala (a) Adel Mohamed Mahmoud Abdul Khaliq; (b) Adel Mohamed Mahmood Abdul Khaled). Data tat-twelid: 2.3.1984. Post tat-twelid: Il-Bahrain. Nazzjonalità: Bahraini. Numru tal-Passaport: 1632207 (Bahraini). Informazzjoni oħra: (a) Aġixxa f'isem, u pprovda appoġġ finanzjarju, materjali u loġistiku, lil Al-Qaida u lil-Libyan Islamic Fighting Group (LIFG); (b) Arrestat fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE) f'Jannar tal-2007 fuq akkużi li huwa membru ta' Al-Qaida u ta' LIFG; (c) Wara li nstab ħati fl-Emirati Għarab Magħquda lejn tmiem l-2007 ġie trasferit lejn il-Bahrain kmieni fl-2008 biex hemm jiskonta l-bqija tas-sentenza tiegħu; (d) Wara li nħeles fl-2008, reġa' beda l-attivitajiet ta' ġbir ta' flus tiegħu għal Al-Qaida, tal-inqas sal-2012; (e) Huwa ġabar ukoll flus għat-Taliban. Data tan-nomina msemmija fl-Artikolu 2a(4)(b): 10.10.2008.”


DEĊIŻJONIJIET

3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1412

tal-1 ta' Awwissu 2017

dwar ir-rikonoxximent ta' Fiġi skont id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi għat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara

(notifikata bid-dokument C(2017) 5277)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2008/106/KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu b'approvazzjoni ċ-ċertifikati xierqa ta' kompetenza tal-baħħara, li jkunu nħarġu minn pajjiżi terzi, sakemm il-pajjiż terz ikkonċernat ikun rikonoxxut mill-Kummissjoni. Dawk il-pajjiżi terzi jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, tal-1978 (il-“Konvenzjoni STCW”).

(2)

Fit-18 ta' Frar 2011, il-Ġermanja talbet ir-rikonoxximent ta' Fiġi. Wara dik it-talba, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-awtoritajiet ta' Fiġi bil-għan li twettaq valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tagħhom biex tivverifika jekk Fiġi jissodisfax ir-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u jekk ittiħdux il-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati. Kien spjegat li l-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq ir-riżultati ta' spezzjoni għall-ġbir ta' informazzjoni li għandha titwettaq mill-esperti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija) f'Fiġi.

(3)

Abbażi tar-riżultati ta' spezzjoni li saret f'Ġunju 2013, u b'kont meħud ta' pjan volontarju ta' azzjoni korrettiva mibgħut mill-awtoritajiet ta' Fiġi f'Settembru 2014 u ssupplimentat f'Diċembru 2014, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni f'Fiġi.

(4)

Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' oqsma li kellhom bżonn jiġu indirizzati sewwa mill-awtoritajiet ta' Fiġi, inklużi n-nuqqasijiet marbutin mad-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dispożizzjonijiet nieqsa għall-kwalifiki ta' ċerti kategoriji ta' ħarrieġa, u rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni kif ukoll proċeduri tal-ġestjoni ta' kwalità insuffiċjenti jew inkompleti.

(5)

F'April 2015, il-Kummissjoni pprovdiet lill-awtoritajiet ta' Fiġi b'rapport ta' valutazzjoni li kien ibbażat fuq ir-riżultati tal-ispezzjoni ta' Ġunju 2013 u qieset il-pjan ta' azzjonijiet korrettivi ssupplimentat.

(6)

F'Ġunju 2015, l-awtoritajiet ta' Fiġi ressqu pjan ta' azzjonijiet korrettivi aġġornat.

(7)

Abbażi tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-awtoritajiet ta' Fiġi, bl-eċċezzjoni ta' sejba dwar ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni, ħadu miżuri biex jagħmlu s-sistema tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara ta' Fiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW.

(8)

B'mod partikolari, Fiġi adotta leġiżlazzjoni ġdida li tindirizza n-nuqqasijiet identifikati b'rabta mad-dispożizzjonijiet nazzjonali u aġġorna l-proċeduri tal-kwalità tal-amministrazzjoni u tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima u l-kurrikula u l-programmi ta' taħriġ tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni marittima tiegħu.

(9)

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet ta' Fiġi għal kjarifika dwar is-sejba tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa 7 b'rabta mar-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni. Din is-sejba ma tistax, f'kull każ, tqajjem dubji dwar il-valutazzjoni pożittiva ġenerali.

(10)

Ir-riżultat finali tal-valutazzjoni juri li Fiġi huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, u li dan il-pajjiż ħa l-miżuri xierqa biex tiġi evitata l-frodi konnessa maċ-ċertifikati.

(11)

L-Istati Membri ngħataw rapport dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni.

(12)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/106/KE, Fiġi huwa rikonoxxut fir-rigward tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni tal-baħħara.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Awwissu 2017.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33.


Rettifika

3.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 202/8


Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1346 tat-8 ta' Awwissu 2016 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1008/2011, kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013, dwar l-importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn kemm kemm immodifikati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 214 tad-9 ta' Awwissu 2016 )

F'paġna 10, fl-Artikolu 1(1),

minflok:

“Id-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 372/2013 fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u idrawlika, li fil-preżent jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 8427900011 u 8427900019) u ex 8431 20 00 (il-kodiċijiet TARIC 8431200011 u 8431200019), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa estiż għall-istess prodott iżda ppreżentat mal-importazzjoni b'hekk imsejħa ‘sistema ta' indikazzjoni tal-piż’ li tikkonsisti minn mekkaniżmu tal-użin mhux integrat fix-xażi, li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 8427900030 u 8431200050.”,

aqra:

“Id-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 372/2013 fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażi u idrawlika, li fil-preżent jaqgħu fl-ambitu tal-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 (il-kodiċijiet TARIC 8427900011 u 8427900019) u ex 8431 20 00 (il- kodiċijiet TARIC 8431200011 u 8431200019), li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa estiż għall-istess prodott iżda ppreżentat mal-importazzjoni b'hekk imsejħa ‘sistema ta' indikazzjoni tal-piż’ li tikkonsisti minn mekkaniżmu tal-użin mhux integrat fix-xażi, jiġifieri mhux integrat fil-frieket, li fil-preżent jaqgħu taħt il-kodiċijiet TARIC 8427900030 u 8431200050.”.