ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 179

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
12 ta' Lulju 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1249 tas-16 ta' Ġunju 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1250 tal-11 ta' Lulju 2017 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija tas-sustanza aromatizzanti 4,5-epossidek-2(trans)-enal mil-lista tal-Unjoni ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1251 tal-11 ta' Lulju 2017 li jemenda għall-271 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

6

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1252 tal-11 ta' Lulju 2017 b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom

8

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1253 tal-11 ta' Lulju 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

15

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1254 tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' Stop TTIP (notifikata bid-dokument C(2017) 4725)

16

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1255 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar mudell għad-deskrizzjoni tas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES ( 1 )

18

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1256 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali tan-netwerk EURES fil-livell tal-Unjoni ( 1 )

24

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1257 tal-11 ta' Lulju 2017 dwar l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għal sistema uniformi li tippermetti t-tqabbil ta' postijiet tax-xogħol battala ma' applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs fuq il-portal EURES ( 1 )

32

 

*

Deċiżjoni (UE) 2017/1258 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta' Lulju 2017 dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar it-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BĊE/2017/22)

39

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1249

tas-16 ta' Ġunju 2017

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 77(2) flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/479 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Kummissjoni fit-8 ta' Diċembru 2016, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen għandhom jipparteċipaw fl-istrument skont id-dispożizzjonijiet tiegħu u li għandhom jiġu konklużi arranġamenti dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom u r-regoli supplimentari meħtieġa għal tali parteċipazzjoni, inklużi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u s-setgħat ta' awditu tal-Qorti tal-Awdituri.

(3)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Minħabba li din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka għandha, f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur minn meta l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (4); għaldaqstant, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(5)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoniu mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni (6).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandhu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 19(2) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (7).

Magħmul fil-Lussemburgu, is-16 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  L-approvazzjoni mogħtija fis-16 ta' Mejju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/479 tat-8 ta' Diċembru 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar regoli supplementari fir-rigward tal-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna għall-perjodu 2014 sa 2020 (ĠU L 75, 21.3.2017, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(6)  Dan il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 75, 21.3.2017, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar il-firma.

(7)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


REGOLAMENTI

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1250

tal-11 ta' Lulju 2017

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mat-tneħħija tas-sustanza aromatizzanti 4,5-epossidek-2(trans)-enal mil-lista tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(6) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' aromatizzanti u ta' materjali ta' sors approvati għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel, u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 (3) adotta lista ta' sustanzi aromatizzanti u introduċa dik il-lista fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

(3)

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tista' tiġi aġġornata f'konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, kemm fuq inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni sottomessa minn Stat Membru jew minn parti interessata.

(4)

Is-sustanza aromatizzanti 4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) hija inkluża fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 bħala sustanza aromatizzanti taħt evalwazzjoni, u li għaliha ntalbet dejta xjentifika addizzjonali mill-Awtorità. Tali dejta ġiet sottomessa mill-applikant.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ivvalutat id-dejta sottomessa u kkonkludiet, fl-opinjoni xjentifika tagħha tal-4 ta' Mejju 2017 (4), li l-4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) tqajjem kwistjoni marbuta mas-sikurezza fir-rigward tal-ġenotossiċità, peress li hemm effett ġenotossiku osservat fil-fwied tal-firien fl-assaġġ in vivo sottomess.

(6)

Għaldaqstant, l-użu ta' 4,5-epossidek-2(trans)-enal (nru FI: 16.071) ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta' aromatizzanti stabbiliti fl-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008. Konsegwentement, dik is-sustanza jenħtieġ li titneħħa mil-lista mingħajr dewmien sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.

(7)

Għalhekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tuża l-proċedura ta' urġenza għat-tneħħija ta' sustanza li tqajjem kwistjoni marbuta mas-sikurezza mil-lista tal-Unjoni.

(8)

Għaldaqstant, il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 għandha tiġi emendata skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tiġi emendata f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 872/2012 tal-1 ta' Ottubru 2012 li jadotta l-lista ta' sustanzi aromatizzanti stipulati bir-Regolament (KE) Nru 2232/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jintroduċiha fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1565/2000 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/217/KE (ĠU L 267, 2.10.2012, p. 1).

(4)  Il-Bord dwar il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-enzimi u l-aromatizzanti (CEF) tal-EFSA. Opinjoni Xjentifika dwar l-Evalwazzjoni tal-Grupp ta' Aromatizzanti 226, Reviżjoni 1 (FGE.226Rev1): consideration of genotoxicity data on one alpha, beta-unsaturated aldehyde from chemical subgroup 1.1.1(b) of FGE.19. EFSA Journal 2017;15(5):4847, 24 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2017.4847


ANNESS

Fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, titħassar l-entrata li ġejja:

“16.071

4,5-Epossidek-2(trans)-enal

188590-62-7

1570

 

Mill-anqas 87 %; komponent sekondarju 8-9 % 4,5-epossidek-2(ċis)-enal

 

1

EFSA”


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1251

tal-11 ta' Lulju 2017

li jemenda għall-271 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fis-6 ta' Lulju 2017 il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jżid entità waħda mal-lista tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet tiegħu li għalihom għandu japplika l-iffriżar tal-fondi u riżorsi finanzjarji. Għalhekk jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jiġi emendat skont dan,

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, jenħtieġ li dan jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Il-Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

Fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 881/2002, l-entrata li ġejja tiżdied taħt l-intestatura “Persuni, gruppi u entitajiet ġuridiċi”:

“Jamaat-ul-Ahrar (JuA) (magħruf bħala: (a) Jamaat-e-Ahrar; (b) Tehrik-e Taliban Pakistan Jamaat ul Ahrar; (c) Ahrar-ul-Hind. Indirizz: (a) Lalpura, Nangarhar Province, Afghanistan (minn Ġunju 2015); (b) Mohmand Agency, Pakistan (minn Awwissu 2014). Informazzjoni oħra: jopera mill-Provinċja ta' Nangarhar, Afghanistan u r-reġjun tal-fruntiera bejn il-Pakistan u l-Afghanistan. Data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 6.7.2017.”


DEĊIŻJONIJIET

12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/8


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1252

tal-11 ta' Lulju 2017

b'appoġġ għat-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, li l-Kapitolu II tagħha fiha lista ta' miżuri biex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi.

(2)

L-Unjoni qiegħda timplimenta dik l-Istrateġija attivament u qiegħda tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi tagħmel disponibbli riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxijin minn istituzzjonijiet multilaterali, biex b'hekk l-Istati jingħataw assistenza teknika u ħila esperta fir-rigward ta' firxa wiesgħa ta' miżuri ta' nonproliferazzjoni, u billi tippromwovi r-rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU).

(3)

Fit-28 ta' April 2004, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta r-Riżoluzzjoni 1540 (2004) (“UNSCR 1540 (2004)”), li kienet l-ewwel strument internazzjonali biex jiġu ttrattati b'mod integrat u komprensiv l-armi ta' qerda massiva, il-mezzi ta' kunsinna tagħhom u l-materjal relatat. Il-UNSCR 1540 (2004) stabbilixxiet obbligi vinkolanti għall-Istati kollha bl-għan li timpedixxi u tiskoraġġixxi lill-atturi li mhumiex Stati milli jaċċedu għal tali armi u materjali relatati mal-armi. Permezz tal-UNSCR 1540 (2004), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda wkoll li l-Istati kollha jieħdu u jinfurzaw miżuri effettivi biex jistabbilixxu kontrolli domestiċi għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' armi nukleari, kimiċi jew bijoloġiċi u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, inkluż billi jistabbilixxu kontrolli adegwati fuq materjal relatat.

(4)

Aderenza universali mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi u l-UNSCR 1540 (2004) u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Ukrajna fil-qasam tan-nonproliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, speċjalment fil-qafas tas-sħubija nonpermanenti mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU għat-terminu 2016-2017.

(5)

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim ta' Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat fil-21 ta' Marzu u s-27 ta' Ġunju 2014. Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprevedi, fost l-oħrajn, l-armonizzazzjoni malajr tal-leġislazzjoni Ukrena mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni, inkluż dwar l-eliminazzjoni ta' kwalunkwe xkiel għall-implimentazzjoni komprensiva tal-UNSCR 1540 (2004). Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ġie applikat proviżorjament, f'parti, sa minn Novembru 2014 u Jannar 2016.

(6)

Skont il-Pjan tal-Gvern tal-Ukrajna 2014-2017 għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, l-Ukrajna impenjat ruħha biex tiżviluppa regolamenti dwar il-kontroll ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi. Il-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna ddeċieda wkoll li jtejjeb is-sigurtà u s-sikurezza kimika billi jiżviluppa miżuri leġislattivi u regolatorji dwar il-konformità mar-rekwiżiti dwarl-immaniġġar sigur ta' sustanzi kimiċi perikolużi u l-prevenzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni illeċita ta' prodotti kimiċi perikolużi.

(7)

Fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2014 l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tan-N U għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), l-Unjoni tal-Ispeċjalististi fil-Kimika Ukreni, u ċ-Ċentru Internazzjonali għas-Sigurtà u s-Sikurezza Kimika (ICCSS), organizzat diskussjoni madwar mejda fi Kyiv dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza kimika (ICSSP) fl-Ukrajna u l-iżvilupp ta' programm integrat għas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Id-diskussjoni madwar mejda laqqgħet flimkien udjenza magħmula minn diversi partijiet interessati mill-Ukrajna kif ukoll sħab internazzjonali, u l-eżitu tagħha ġie kkonfermat permezz tal-approvazzjoni ta' sett ta' rakkomandazzjonijiet.

(8)

Mill-24 sas-26 ta' Frar 2015 saret fi Vjenna laqgħa tal-partijiet interessati u s-sħab internazzjonali prinċipali dwar l-iżvilupp ta' ICSSP fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-Implimentazzjoni tal-UNSCR 1540 (2004). Il-parteċipanti mill-Ukrajna qablu dwar pjan direzzjonali għall-ICSSP fl-Ukrajna.

(9)

F'dak il-qafas, il-proposti tal-proġetti tħejjew mis-Segretarjat tal-OSKE f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna u ġew ippreżentati lill-Unjoni għall-finanzjament mill-baġit tal-PESK.

(10)

Jenħtieġ li s-Segretarjat tal-OSKE jiġi fdat bl-implimentazzjoni teknika tal-proġetti li jridu jitwettqu skont din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tippromwovi l-paċi u s-sigurtà, kif ukoll multilateraliżmu effettiv fuq livelli globali u reġjonali, l-Unjoni għandha ssegwi l-objettivi li ġejjin:

(a)

it-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni permezz tat-tnaqqis tat-theddida li ġejja mill-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kontrollati u tossiċi fir-reġjun tal-OSKE, b'mod partikolari fl-Ukrajna;

(b)

l-appoġġ tal-multilateraliżmu effettiv fuq livell reġjonali permezz tal-appoġġ tal-azzjoni tal-OSKE biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet kompetenti fl-Ukrajna li jipprevjenu l-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kontrollati u tossiċi f'konformità mal-obbligi skont l-UNSCR 1540 (2004).

2.   Sabiex jinkiseb l-objettivi msemmija fil-paragrafu 1, l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri li ġejjin:

(a)

it-titjib tas-sistema regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika;

(b)

l-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali Ukren għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi;

(c)

it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-movimenti transkonfinali tas-sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi.

Deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-miżuri msemmija fl- fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-Segretarjat tal-OSKE. Huwa għandu jwettaq dak il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dak il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat tal-OSKE.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implementazzjoni tal-miżuri msemmija fl- fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 1 431 156,90.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni tajba tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2. Għal dak il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat tal-OSKE. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat tal-OSKE irid jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.

Artikolu 4

Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mis-Segretarjat tal-OSKE. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 36 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussel, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3).


ANNESS

It-tisħiħ tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1540 (2004)

1.   Kuntest

L-użu ta' armi kimiċi jew ta' sustanzi kimiċi bħala armi, minn atturi li mhumiex Stati saret theddida realistika. Minħabba l-ambjent ta' sigurtà attwali, it-theddid u r-riskji ta' użu mhux awtorizzat ta' sustanzi kimiċi jew attakki kontra installazzjonijiet kimiċi huma sfida serja għas-sigurtà, l-ekonomija, is-saħħa u l-ambjent fl-Ukrajna. Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), bl-appoġġ tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA), l-Unjoni tal-Ispeċjalisti fil-Kimika Ukreni u ċ-Ċentru Internazzjonali għas-Sigurtà u s-Sikurezza Kimika (ICCSS), organizzat diskussjoni nazzjonali madwar mejda dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza kimika (“ICSSP”) fl-Ukrajna u l-iżvilupp ta' programm integrat għas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, inkluż il-promozzjoni tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1540 (2004), fi Kyiv fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2014.

Bħala segwitu, bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2015 saret Laqgħa fi Vjenna dwar l-iżvilupp ta' ICSSP fl-Ukrajna. Il-parteċipanti nazzjonali qablu dwar pjan direzzjonali għall-ICSSP. Bħala l-ewwel stadju, twettaq rieżami komprensiv tas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna (“Ir-Rieżami Komprensiv”) minn esperti internazzjonali. Ir-Rieżami Komprensiv analizza, fost l-oħrajn, il-politika ġenerali marbuta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna, is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport ta' sustanzi kimiċi perikolużi, l-infrastruttura u l-kapaċitajiet tekniċi għall-analiżi ta' sustanzi kimiċi perikolużi, il-kontrolli doganali u fil-fruntiera dwar il-moviment ta' sustanzi kimiċi perikolużi, u s-sigurtà u s-sikurezza tal-manifattura, il-ħażna u l-użu ta' sustanzi kimiċi mill-industrija nazzjonali.

B'riżultat ta' dan, tħejjew tliet proġetti mill-OSKE bil-ħsieb li jiġi appoġġat l-ICSSP fl-Ukrajna. Dawn ġew żviluppati f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti. Il-proġetti kollha jiġu implimentati f'konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi tal-pjan għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni”).

2.   Objettivi

L-objettiv ġenerali ta' din id-Deċiżjoni huwa li tappoġġa l-proġetti tal-OSKE li għandhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà u s-sikurezza kimika fl-Ukrajna f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004) u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni billi tipprovdi kontribut sinifikanti għall-ICSSP fl-Ukrajna. B'mod partikolari, din id-Deċiżjoni għandha l-għan li tnaqqas it-theddida mill-kummerċ illeċitu ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi fir-reġjun tal-OSKE, b'mod partikolari fl-Ukrajna, biex b'hekk tippromwovi l-paċi u s-sigurtà fil-viċinat tal-Unjoni.

3.   Deskrizzjoni tal-proġetti

3.1.   Proġett 1: it-titjib tas-sistema regolatorja tal-Ukrajna dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika

3.1.1.   Objettiv tal-proġett

It-titjib tal-bażi leġislattiva u regolatorja tal-Ukrajna b'rabta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika, bħala parti mill-ICSSP, f'konformità mal-obbligi skont il-UNSCR 1540 (2004).

3.1.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Sabiex jiġu appoġġati l-aġenziji tal-gvern Ukren biex jindirizzaw it-theddid minn użu ħażin ta' sustanzi kimiċi tossiċi, l-OSKE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna identifikaw erba' dokumenti prijoritarji marbuta mat-titjib tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà u s-sikurezza kimika:

Ir-Regolament Tekniku dwar il-ġestjoni sikura tal-prodotti kimiċi;

Ir-Regolament Tekniku dwar il-klassifikazzjoni u t-tikkettar ta' sustanzi kimiċi perikolużi;

Emendi għal-Liġi tal-Ukrajna dwar l-istabbilimenti b'riskju għoli;

Id-Digriet tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna dwar l-identifikazzjoni u d-dikjarazzjoni tas-sigurtà tal-istabbilimenti b'riskju għoli.

3.1.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Il-proġett ser jipproduċi l-erba' dokumenti msemmija fil-punt 3.1.2, li għandhom jiġu adottati fil-qafas regolatorju u leġislattiv.

3.1.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-Ministeru għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Kummerċ tal-Ukrajna

Is-Servizz Pubbliku ta' Emerġenza tal-Ukrajna

3.2.   Proġett 2: l-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali Ukren għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi

3.2.1.   Objettiv tal-proġett

Kapaċità mtejba tal-awtoritajiet Ukreni li jidentifikaw sustanzi kimiċi u prekursuri tossiċi u li jwettqu investigazzjonijiet forensiċi tal-użu ħażin, bħala parti mill-ICSSP, f'konformità mal-obbligi skont il-UNSCR 1540 (2004).

3.2.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

F'konformità mar-rakkomandazzjoni tar-Rieżami Komprensiv, u kif ikkonfermat mill-Ministru għas-Saħħa Ukren, jista' jiġi stabbilit ċentru ta' riferiment nazzjonali abbażi ta' ċentru għar-riċerka diġà eżistenti. Madankollu, il-laboratorji ta' dak iċ-ċentru għar-riċerka m'għandhomx il-bażi regolatorja rilevanti, il-proċeduri operattivi standard biex jipprovdu servizzi lill-awtoritajiet interessati u lill-organizzazzjonijiet tas-settur privat, kif ukoll strumenti speċifiċi għall-analiżi kimika b'riżoluzzjoni għolja għas-sejbien u l-identifikazzjoni preċiżi u affidabbli ta' sustanzi kimiċi perikolużi. Il-proġett għalhekk ser jgħin fl-istabbiliment ta' ċentru ta' riferiment nazzjonali kompletament funzjonali, inkluż l-akkwist ta' strumenti għall-analiżi kimika b'riżoluzzjoni għolja u t-taħriġ adegwat tal-persunal tal-laboratorju.

3.2.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Iċ-ċentru ta' riferiment nazzjonali għall-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi jiġi stabbilit u integrat fis-sistemi nazzjonali u internazzjonali ta' reazzjoni għat-theddid kimiku

It-tagħmir tal-laboratorju taċ-ċentru għar-riċerka jiġi aġġornat

Iċ-ċentru ta' riferiment Nazzjonali jiġi inkorporat fil-qafas internazzjonali

Persunal tal-laboratorju mħarreġ

3.2.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Il-Ministeru għas-Saħħa Ukren

3.3.   Proġett 3: it-tisħiħ tal-kontrolli fuq il-movimenti transkonfinali tas-sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi

3.3.1.   Objettiv tal-proġett

Kontrolli mtejba fuq il-fruntiera u monitoraġġ aħjar tas-sustanzi kimiċi li jgħaddu mill-Ukrajna, f'konformità mal-obbligi skont l-UNSCR 1540 (2004)

3.3.2.   Deskrizzjoni tal-proġett

Ir-Rieżami Komprensiv indika li jeħtieġ li jissaħħu l-kontrolli interni tal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi tossiċi u jissaħħu l-kapaċitajiet nazzjonali f'dak ir-rigward. Għalhekk, il-ħsieb hu li l-proġett jistabbilixxi sistemi nazzjonali ta' taħriġ debitament formalizzati u taħriġ għal min iħarreġ mis-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna u s-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna dwar is-sejbien u l-identifikazzjoni ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi li jaqsmu l-fruntiera statali tal-Ukrajna. Dan ser jipprovdi lill-awtoritajiet Ukreni b'għarfien sostenibbli u bl-aħjar prassi dwar il-proċeduri fis-sigurtà u s-sikurezza kimika u l-ġestjoni ta' kriżijiet fil-qasam ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u tossiċi permezz tal-iżvilupp ta' proċeduri operattivi standard nazzjonali armonizzati ma' dawk tal-Unjoni, l-istabbiliment ta' standards internazzjonali u prassi f'dak il-qasam, kif ukoll it-twettiq ta' eżerċizzji ta' simulazzjoni, u eżerċizzji fil-post tal-fruntieri, eċċ. Il-proġett ser jgħin ukoll biex jissaħħaħ il-kontroll tal-esportazzjonijiet permezz tal-infurzar tal-lista ta' kontroll tal-Unjoni tal-oġġetti b'użu doppju min-naħa tal-awtoritajiet doganali Ukreni.

Ġew identifikati l-oqsma għall-intervent li ġejjin:

analiżi u monitoraġġ tas-sustanzi kimiċi fi transitu;

kontroll fuq il-fruntiera u traffikar;

edukazzjoni u sensibilizzazzjoni;

introduzzjoni ta' regolamenti amministrattivi u operattivi rilevanti marbuta mas-sigurtà u s-sikurezza kimika;

rispons ta' emerġenza għal inċidenti waqt it-transitu.

3.3.3.   Riżultati mistennija tal-proġett

Programmi nazzjonali ta' taħriġ żviluppati għas-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna u s-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna dwar proċeduri ta' sigurtà u sikurezza kimika u l-ġestjoni ta' kriżi marbut mal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u perikolużi minn punti tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art, portijiet tal-baħar u ajruporti

Persunal imħarreġ, inkluż ħarrieġa nazzjonali mis- Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna u s-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna, kif ukoll l-awtoritajiet tat-trasport, fuq livell regolatorju, maniġerjali u operazzjonali

Kontroll imsaħħaħ tal-esportazzjonijiet u kapaċitajiet tal-infurzar imsaħħa għall-kontroll tal-moviment transkonfinali ta' sustanzi kimiċi kkontrollati u perikolużi minn punti tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art, portijiet tal-baħar u ajruporti

3.3.4.   Benefiċjarji tal-proġett

Is-Servizz Fiskali Statali tal-Ukrajna

Is-Servizz Statali tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukrajna

4.   Appoġġ amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-proġetti

Persunal iddedikat fis-Segretarjat tal-OSKE u fl-uffiċċju tal-Koordinatur tal-Proġett tal-OSKE fl-Ukrajna ser jikkoordina u jimmaniġġja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġetti stipulati fit-taqsima 3 sabiex jiġi żviluppat aktar il-qafas kollaborattiv bejn is-sħab Ukreni, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' proposti ġodda għal proġetti u miżuri nazzjonali rilevanti.

Il-persunal ta' appoġġ ser iwettaq il-kompiti li ġejjin:

il-ġestjoni tal-proġetti tul il-passi kollha taċ-ċiklu tal-proġetti;

it-twettiq ta' sorveljanza finanzjarja ta' kuljum tal-proġetti;

l-għoti ta' għarfien espert tekniku u legali, l-appoġġ għall-għoti ta' kuntratti akbar, l-involviment ma' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, it-twettiq ta' assigurazzjoni tal-kwalità u kontroll tal-kwalità tar-riżultati tanġibbli tal-proġetti approvati, ir-rapportar lill-Unjoni dwar l-attivitajiet kollha tal-PSSK;

l-appoġġ lill-awtoritajiet Ukreni biex jiżviluppaw miżuri nazzjonali ġodda skont l-ICSSP f'konformità mal-UNSCR 1540 (2004).

5.   Tul ta' żmien

It-tul ta' żmien totali tal-proġetti hu stmat li jkun ta' 36 xahar.

6.   Entità ta' implementazzjoni teknika

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata lis-Segretarjat tal-OSKE. Is-Segretarjat tal-OSKE ser jimplimenta l-attivitajiet taħt din id-Deċiżjoni f'kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali oħrajn, b'mod partikolari bil-għan li jiġu ggarantiti sinerġiji effettivi u tiġi evitata d-duplikazzjoni mal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, b'koerenza mal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

7.   Rapportar

Is-Segretarjat tal-OSKE ser iħejji rapporti regolari, kif ukoll rapporti wara li titlesta kull waħda mill-attivitajiet deskritti. Ir-rapporti finali għandhom jiġu ppreżentati lill-Unjoni sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara li jitlestew l-attivitajiet rilevanti.

8.   Kumitat tat-Tmexxija

Il-Kumitat ta' Tmexxija għal dawn il-proġetti ser ikun magħmul minn rappreżentant tar-Rappreżentant Għoli u rappreżentant tal-entità ta' implimentazzjoni msemmija fit-taqsima 6 ta' dan l-Anness. Il-Kumitat ta' Tmexxija ser iwettaq rieżami regolarment tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, tal-anqas darba kull sitt xhur, inkluż permezz ta' mezzi ta' komunikazzjoni elettronika.

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 431 156,90.

9.   Spiża totali stmata tal-proġetti u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

L-ispiża totali tal-proġett hija ta' EUR 1 431 156,90.


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/1253

tal-11 ta' Lulju 2017

li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/392/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) sabiex tappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà Niġerini fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

(2)

Fit-18 ta' Lulju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1172 (2), li testendi l-Missjoni sal-15 ta' Lulju 2018 u li tipprovdi ammont ta' referenza finanzjarja sal-15 ta' Lulju 2017.

(3)

Jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2012/392/PESK tiġi emendata biex tipprovdi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2017 sal-15 ta' Lulju 2018.

(4)

L-EUCAP Sahel Niger ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 2012/392/PESK, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2017 sal-15 ta' Lulju 2018 għandu jkun ta' EUR 31 000 000.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mis-16 ta' Lulju 2017.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TÕNISTE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1172 tat-18 ta' Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 193, 19.7.2016, p. 106).


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1254

tal-4 ta' Lulju 2017

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP”

(notifikata bid-dokument C(2017) 4725)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014)6501 tal-10 ta' Settembru 2014, ir-reġistrazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Stop TTIP” ġiet irrifjutata. Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha tal-10 ta' Mejju 2017 fil-kawża T-754/14, annullat din id-Deċiżjoni. Sabiex jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi rrispettata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, trid tiġi adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni ġdida dwar it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta.

(2)

Is-suġġett tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta intitolata “Stop TTIP” issir referenza għalih kif ġej: “Aħna nistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrakkomanda lill-Kunsill biex jirrevoka l-mandat ta' negozjar għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u li ma jikkonkludix il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA)”.

(3)

L-objettivi ddikjarati tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta huma: “Aħna nixtiequ nipprevjenu t-TTIP u s-CETA billi dawn jinkludu diversi kwistjonijiet kritiċi bħas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-Istati u regoli dwar il-kooperazzjoni regolatorja li huma ta' theddida għad-demokrazija u l-istat tad-dritt. Irridu nevitaw li l-istandards tal-impjiegi, soċjali, ambjentali u tal-konsumatur jitbaxxew u li s-servizzi pubbliċi (bħall-ilma) u l-assi kulturali jiġu dderegolati f'negozjati mhux trasparenti. L-ECI tappoġġa politika tal-kummerċ u tal-investiment alternattiva fl-UE”.

(4)

Deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjar ta' ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħas-Sħubija Trans-Atlantika tal-Kummerċ u l-Investiment u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA), kif ukoll deċiżjonijiet tal-Kunsill li jawtorizzaw l-iffirmar jew il-konklużjoni ta' tali ftehimiet huma atti legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati, adottati fuq il-bażi ta' rakkomandazzjoni jew proposta mill-Kummissjoni. Dawn l-atti legali jistgħu għalhekk ikunu suġġett ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(5)

Madankollu, is-CETA ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 (2). Għaldaqstant, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma għadx għandha skop billi għandha l-għan ta' proposta mill-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill biex ma jiġix iffirmat is-CETA.

(6)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirrinforza ċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jsaħħaħ aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, inter alia, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(7)

Għal dan il-għan, il-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonali man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(8)

Għal dawn ir-raġunijiet, ikun adegwat li wieħed jikkunsidra li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija tista' tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(9)

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP” jenħtieġ li għaldaqstant tiġi rreġistrata. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jenħtieġ li jinġabru biss sa fejn hija mmirata għal proposti jew rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għal atti legali għajr deċiżjoni tal-Kunsill biex ma jiġix iffirmat is-CETA.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem ta' “Stop TTIP” hija rreġistrata.

2.   Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal din l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jistgħu jinġabru, abbażi ta' fehim li hija mmirata għal proposti jew rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għal atti legali għajr deċiżjoni tal-Kunsill li ma jiġix iffirmat il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (CETA).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Lulju 2017.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta “Stop TTIP”, irrappreżentati minn Michael EFLER u [Id-data personali tħassret wara konsultazzjoni mal-organizzaturi] li jaġixxu bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta' Ottubru 2016, dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/18


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1255

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar mudell għad-deskrizzjoni tas-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(8) tiegħu

Wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-EURES,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jistabbilixxi, fost l-oħrajn, il-prinċipji bażiċi u l-kriterji għad-dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES.

(2)

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 kull Stat Membru jenħtieġ, mingħajr dewmien żejjed iżda tal-anqas sat-13 ta' Mejju 2018, jistabbilixxi sistema li ddaħħal organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES, biex jissorvelja l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tagħhom mal-liġi applikabbli meta jiġi applikat dan ir-Regolament u, fejn meħtieġ, iħassar l-adeżjoni tagħhom.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2016/589, l-organizzazzjonijiet huma permessi li jieħdu sehem bħala Membri u Sħab tal-EURES, waqt perjodu ta' tranżizzjoni għandhom, sabiex jibqgħu fin-netwerk EURES, wara li jkun skada l-perjodu ta' tranżizzjoni, jagħmlu applikazzjonijiet li jiġu ttrattati f'dawn is-sistemi ta' dħul.

(4)

Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi maħturin skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2016/589 ma jkunux soġġetti għas-sistemi ta' adeżjoni, iżda għandhom jissodisfaw l-obbligi u l-kriterji kif stipulati f'dak l-Artikolu.

(5)

Skont l-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2016/589, l-Istati Membri, permezz tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni tagħhom, għandhom jgħarrfu lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni dwar is-sistemi ta' adeżjoni tagħhom, u l-applikazzjonijiet approvati, rifjutati jew revokati u l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jgħaddi din l-informazzjoni lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni l-oħra.

(6)

Skambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni sistematika bejn l-Istati Membri jista' jappoġġja żieda fil-kwalità tat-tfassil tas-sistemi nazzjonali ta' dħul u l-applikazzjoni tagħhom.

(7)

Sabiex jiġi żgurat skambju miftuħ ta' informazzjoni u tagħlim reċiproku bejn l-Istati Membri, huwa neċessarju li jintuża mudell komuni biex jiġu deskritti s-sistemi nazzjonali ta' dħul u jitqiegħed fis-seħħ mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni.

(8)

Il-mudell jista' jkollu bżonn jiġi adattat maż-żmien biex jirrifletti l-bidliet fis-suq għal servizzi ta' reklutaġġ u żviluppi oħra. Għalhekk huwa importanti li jiġi stabbilit mudell ta' governanza biex tiġi żgurata konsultazzjoni u involviment xierqa tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni qabel l-adozzjoni ta' emendi fil-mudell.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-mudell li jrid jintuża mill-Istati Membri meta jiġu deskritti s-sistemi tagħhom għad-dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES stabbilit skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 (is-sistemi nazzjonali ta' dħul), proċeduri biex jiġi modifikat il-mudell u l-mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar is-sistemi tad-dħul ma' Stati Membri oħra.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jaqsmu l-informazzjoni fuq is-sistemi ta' dħul skont mudell komuni msemmi fl-Artikolu 6, u għandhom jaġġornaw din l-informazzjoni kull meta jkun hemm xi tibdil.

2.   Għall-finijiet ta' sistemi ta' dħul, kull Stat Membru għandu jiżgura l-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ipproċessar u l-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet biex isiru Membri jew Sħab tal-EURES;

(b)

id-deċiżjonijiet li japprovaw jew jirrifjutaw dawn l-applikazzjonijiet u biex iħassru d-dħul;

(c)

it-trattament u d-deċiżjoni dwar dawn id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt (b) filwaqt li joffru rimedji kontra tali deċiżjonijiet;

(d)

il-monitoraġġ tal-konformità tal-Membri u s-Sħab tal-EURES ma' sistema nazzjonali ta' dħul u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/589.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jiġu infurmati b'mod ċar dwar kif l-applikazzjonijiet tagħhom jiġu ttrattati, b'mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni ma' Stati Membri oħra dwar id-deċiżjonijiet fuq dħul, il-monitoraġġ u r-revoki.

Artikolu 3

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

Kif stabbilit fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) 2016/589, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, ikunu responsabbli biex iżommu l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni infurmat dwar is-sistema nazzjonali ta' dħul u l-applikazzjoni tagħha, b'mod partikolari billi:

(a)

jipprovdu informazzjoni dwar is-sistema nazzjonali ta' dħul, inkluż il-kriterji u r-rekwiżiti kollha applikati, billi jimtela l-mudell komuni msemmi fl-Artikolu 6, u fejn ikun hemm bżonn, jaġġornawh;

(b)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni bil-Membri u s-Sħab tal-EURES mdaħħla skont is-sistema nazzjonali ta' dħul;

(c)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'kull rifjut ta' dħul abbażi ta' nuqqas ta' konformità, b'mod partikolari mal-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/589;

(d)

iżommu infurmat l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni b'kull revoka ta' dħul tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, u r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

1.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għall-appoġġ u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar is-sistemi nazzjonali ta' dħul u l-operat tagħhom, b'mod partikolari billi:

(a)

joħloq u jżomm taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES biex jagħmel disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni:

(i)

il-mudell imsemmi fl-Artikolu 6 u kwalunkwe informazzjoni relatata dwar kif għandu jimtela u jiġi ppreżentat;

(ii)

l-informazzjoni kollha pprovduta mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni dwar is-sistemi tad-dħul u l-applikazzjoni tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u din id-Deċiżjoni, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-obbligu tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni li jgħaddi l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni lil Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni oħra skont l-Artikolu 11(6) u (7) tar-Regolament (UE) 2016/589;

(iii)

il-qasam kollaborattiv biex tiġi skambjata l-informazzjoni dwar l-istabbiliment u l-operat tas-sistemi nazzjonali ta' dħul;

(b)

l-għoti ta' kwalunkwe għodda oħra, taħriġ u appoġġ meħtieġ biex jiġi faċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u t-tagħlim reċiproku dwar sistemi ta' ammissjoni;

(c)

il-Grupp ta' Koordinazzjoni jinżamm infurmat b'mod regolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni u, fejn meħtieġ, jiġu proposti emendi fil-mudell u fil-proċeduri.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jippubblika l-lista tal-Membri u s-Sħab tal-EURES, fuq il-portal EURES bi ftehim ma' kull Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni.

Artikolu 5

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-funzjonament tas-sistemi nazzjonali ta' dħul u jservi ta' forum għall-iskambju ta' fehmiet u l-aħjar prattika bil-ħsieb li jittejjeb il-funzjonament tagħhom.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu darba fis-sena jwettaq reviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li ser tikkostitwixxi l-kontribut tal-Grupp ta' Koordinazzjoni lir-rapporti dwar l-attività u ta' valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Jekk it-taqsima tal-Extranet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jew kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relatati magħha jeħtieġu li jiġu adattati jew modifikati, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu, qabel ma jadotta l-verżjoni ġdida, jikkonsulta lill-Grupp ta' Koordinazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589.

Artikolu 6

Mudell

1.   L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jużaw verżjoni elettronika tal-mudell riprodott fl-Anness għad-deskrizzjoni tas-sistemi nazzjonali ta' dħul, il-kriterji u r-rekwiżiti applikati, u l-korpi magħżula għall-operazzjoni tagħhom.

2.   Il-mudell mimli għandu jintbagħat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni malli s-sistema nazzjonali tad-dħul tiġi stabbilita. Kull meta jkun hemm bidliet fir-rigward tal-informazzjoni li ġiet provduta, l-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandu jimla u jissottometti mudell ġdid b'informazzjoni aġġornata mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jaqsam mal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni l-verżjoni elettronika tal-mudell fl-Anness, kwalunkwe modifika li jkun fiha wara u kull dokumenti ta' gwida oħra rilevanti fuq l-Extranet tal-portal EURES sa mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2017.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.


ANNESS

Mudell biex jintuża mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sistemi u l-proċeduri nazzjonali biex idaħħlu organizzazzjonijiet bħala Membri u Sħab tal-EURES

Il-verżjoni elettronika ta' dan il-mudell u kwalunkwe verżjoni tad-dokument li tiġi modifikata wara ser tkun disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fuq l-Extranet tal-portal EURES.

I.   BAŻI ĠURIDIKA

Referenza għal-liġi(jiet)/regoli/regolamenti nazzjonali.

II.   IL-PROĊESS GĦALL-GĦAŻLA TAL-MEMBRI U S-SĦAB TAL-EURES

1.   Metodu

(a)

Iddeskrivi l-metodu magħżul biex jintgħażlu l-Membri u s-Sħab tal-EURES:

(i)

Sejħa għal espressjoni ta' interess (miftuħa jew immirata lil ċerti organizzazzjonijiet. Jekk iva, liema organizzazzjonijiet u għaliex?)

(ii)

Akkwist Pubbliku

(iii)

Stediniet (jekk iva, liema organizzazzjonijiet u għaliex?)

(iv)

Oħrajn

(b)

Spjega kif tiġi żgurata l-pubbliċità (pereżempju, in-notifiki jiġu ppubblikati elettronikament?)

2.   Prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess

Spjega l-miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess skont l-Artikolu 2(2) ta' din id-Deċiżjoni

3.   Organizzazzjoni tal-proċess ta' dħul sal-għoti

(a)

Il-korp inkarigat mill-ipproċessar u l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

(b)

Funzjonijiet tal-korp

4.   il-proċess tal-għoti/informazzjoni lil partijiet terzi

(a)

Il-korp inkarigat mid-deċiżjonijiet li japprova/jirrifjuta abbażi tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet

(b)

Funzjonijiet tal-korp

(c)

Iż-żmien li hemm bżonn mill-applikazzjoni sal-komunikazzjoni tal-approvazzjoni/iċ-ċaħda tal-applikanti

(d)

Spjega kif l-applikanti jiġu infurmati dwar l-approvazzjoni/iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħhom

(e)

Spjega kif il-pubblikazzjoni tal-Membri u s-Sħab tal-EURES magħżula tiġi ttrattata biex tiġi żgurata t-trasparenza

5.   Kif jiġi żgurat il-proċess xieraq tal-liġi

(a)

Il-korp responsabbli

(b)

Spjega kif jiġu trattati l-ilmenti marbuta mas-sistema tad-dħul

(c)

Ir-rimedji disponibbli wara ċ-ċaħda

6.   Il-perjodu tad-dħul

Id-dħul huwa limitat fiż-żmien? Jekk iva, għal kemm żmien?

7.   Il-proċess tad-dħul mill-ġdid

Spjega l-proċess u l-iskeda ta' żmien

8.   Miżati marbuta mal-applikazzjoni

Hemm miżati imposti fuq l-applikanti? Jekk iva, kif jiġu stabbiliti?

III.   IL-KRITERJU GĦAD-DĦUL

1.

L-applikazzjoni ta' kriterji minimi tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/589.

2.

Kriterji u raġunijiet nazzjonali possibbli għala dawn huma meħtieġa għall-finijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/589.

IV.   MONITORAĠĠ

1.

Korp/korpi responsabbli

2.

Metodu (abbażi ta'dejta, kontroll u awditjar, kontrolli każwali, eċċ.)

3.

Frekwenza tal-verifiki

4.

It-trattament tal-ilmenti marbuta mal-operat tal-Membri u s-Sħab tal-EURES

5.

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' rispett tar-rekwiżiti tas-sistema tad-dħul u l-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

V.   IL-PROĊESS TA' REVOKA TA' DĦUL

1.

Il-korp responsabbli

2.

Funzjonijiet tal-korp

3.

Spjega l-proċess u l-iskeda ta' żmien biex jiġu trattati l-każijiet

4.

Ir-rimedji disponibbli wara revoka

VI.   KRITERJI TA' REVOKA TA' DĦUL

Jekk jogħġbok elenka l-kriterji nazzjonali ta' revoka ta' dħul.

VII.   IL-LISTA TAL-MEMBRI U S-SĦAB TAL-EURES

Għandha tinhemeż lista ta' Membri u Sħab tal-EURES mal-mudell meta jiġi ppreżentat lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni u tinżamm aġġornata.


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/24


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1256

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali tan-netwerk EURES fil-livell tal-Unjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), b'mod partikolari l-Artikolu 31(5) tiegħu.

Wara li kkonsultat mal-Kumitat tal-EURES,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jitlob li jkun hemm sistema effiċjenti fil-livell tal-Unjoni għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-provvista u d-domanda tax-xogħol nazzjonali, reġjonali u settorjali li għandha tiġi stabbilita bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u għandha tintuża bħala bażi biex l-Istati Membri jirfdu l-kooperazzjoni prattika fi ħdan in-netwerk EURES.

(2)

L-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 jeżiġi lill-Istati Membri li jiġbru u janalizzaw informazzjoni disaggregata skont is-sess dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema fi swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-suq tax-xogħol u r-reġjuni l-aktar affettwati mill-qgħad, u l-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali u, fejn xieraq, fil-livell transkonfinali.

(3)

L-Artikolu 31(1) tar-Regolament (UE) 2016/589 jeżiġi li l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Koordinazzjoni jfasslu programmi ta' ħidma nazzjonali għall-attivitajiet tan-netwerk EURES fl-Istati Membri tagħhom. Il-kondiviżjoni tal-programmi ta' ħidma nazzjonali fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni fost l-Istati Membri għandha tippermetti li l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni li jallokaw ir-riżorsi tan-netwerk EURES f'azzjonijiet u proġetti xierqa, u b'hekk imexxu l-iżvilupp tan-netwerk bħala għodda aktar orjentata lejn ir-riżultati li tirreaġixxi għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi skont id-dinamika tas-swieq tax-xogħol.

(4)

L-iskambji bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma rispettivi tagħhom u analiżi konġunta tal-abbozzi jkunu qed itejbu l-funzjonament tan-netwerk, iżidu t-trasparenza u jsaħħu l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk.

(5)

Sabiex l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/589 ikollu effett, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jiġbru u jeżaminaw l-informazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali msemmija f'din id-dispożizzjoni bħala parti mit-tħejjija tal-programm ta' ħidma nazzjonali u huma mistiedna jikkunsidraw xi rapporti relevanti u dokumenti disponibbli fil-livell tal-UE.

(6)

Skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2016/589, il-programmi ta' ħidma nazzjonali abbozzati mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jiġu żviluppati fuq bażi annwali u għandhom jispeċifikaw l-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu fi ħdan in-netwerk EURES, ir-riżorsi umani u finanzjarji globali allokati għall-implimentazzjoni tagħhom u l-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ippjanati.

(7)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi mudell komuni għall-programmi ta' ħidma nazzjonali, li l-istruttura tagħhom għandha tirrifletti l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) 2016/589, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jidentifikaw l-attivitajiet ewlenin imwettqa f'termini tas-servizzi ta' appoġġ kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-impjegaturi msemmija fl-Artikoli 21 sa 28 tar-Regolament (UE) 2016/589.

(8)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita skeda komuni ta' żmien għat-tħejjija tal-programmi ta' ħidma nazzjonali li tinbena fuq l-esperjenza miksuba mill-kooperazzjoni fl-ipprogrammar konġunt fost l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni skont il-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE (2) u li tippermetti biżżejjed flessibilità in vista tal-korpi nazzjonali differenti.

(9)

Jenħtieġ li jiġu sfruttati s-sinerġiji potenzjali kollha mal-arranġamenti u l-proċeduri għall-ġbir u l-analiżi tad-dejta ta' diversi oqsma tal-attività tal-EURES imwettqa fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/589, b'mod partikolari biex il-programmi ta' ħidma nazzjonali jużaw indikaturi li jibnu fuq prassi eżistenti fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u li huma konsistenti u li jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju ta' ġbir ta' dejta msemmi fl-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2016/589.

(10)

Membri tal-istaff tal-EURES li jaħdmu għal Membri u Sħab tal-EURES jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali sabiex jagħtu kontribut aħjar lill-kisbiet tan-netwerk tal-EURES kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/589.

(11)

L-informazzjoni miġbura skont il-programmi ta' ħidma nazzjonali fuq l-attivitajiet u r-riżultati tista' tikkostitwixxi kontribut importanti għat-tħejjija tar-rapport dwar l-attività tal-EURES li l-Kummissjoni ġiet msejħa li tippreżenta kull sentejn skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u għalhekk hemm bżonn li jiġi eżaminat liema partijiet mill-programmi ta' ħidma jistgħu jsiru disponibbli għal dan l-għan.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-iskambju ta' informazzjoni fi ħdan in-netwerk EURES dwar l-ipprogrammar tal-attivitajiet tagħha.

Għal dan l-għan, hija tipprovdi għal mudell li għandu jintuża mill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni meta jfasslu programmi ta' ħidma nazzjonali skont l-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2016/589 u tistabbilixxi proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 2

L-organizzazzjoni ta' ċiklu ta' programmazzjoni

1.   Kull sena, kull Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandu jfassal programm ta' ħidma nazzjonali għall-attivitajiet tan-netwerk EURES fl-Istat Membru tiegħu skont il-mudell indikat fl-Anness I.

2.   L-abbozz ta' programmi ta' ħidma nazzjonali għandu jkun disponibbli għall-Uffiċċji kollha Nazzjonali ta' Koordinazzjoni biex ikollhom l-opportunità li jagħmlu mistoqsijiet dwar l-attivitajiet ippjanati u biex jagħmlu proposti għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-attivitajiet.

3.   Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni li jieħdu sehem fil-Grupp ta' Koordinazzjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma nazzjonali.

4.   Wara l-perjodu dedikat lill-kummenti, il-programmi finali ta' ħidma nazzjonali għandhom ikunu disponibbli għall-Uffiċċji kollha Nazzjonali ta' Koordinazzjoni.

5.   Il-programmi ta' ħidma nazzjonali għandhom jużaw kemm jista' jkun possibbli l-indikaturi u l-miri applikabbli għall-atti ta' implimentazzjoni adottati skont l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (UE) 2016/589.

6.   Il-programmi ta' ħidma nazzjonali jistgħu jużaw indikaturi addizzjonali oħra.

7.   L-uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jirrapportaw kull sena dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma nazzjonali filwaqt li jiġu identifikati r-riżultati tal-attivitajiet ippjanati.

Artikolu 3

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

L-uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettivi tagħhom, ikunu responsabbli:

(a)

Għall-ġbir, l-analiżi u l-qsim tal-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/589 bil-għan li jitħejja l-abbozz tal-programm ta' ħidma nazzjonali tagħhom;

(b)

għall-abbozzar tal-programm ta' ħidma nazzjonali tagħhom billi jużaw il-mudell fl-Anness I;

(c)

għar-rispett tal-iskadenzi stabbiliti fl-Anness II għas-sottomissjoni tal-abbozzi ta' programmi ta' ħidma nazzjonali;

(d)

biex jagħmlu disponibbli l-abbozz tal-programm ta' ħidma nazzjonali tagħhom lin-netwerk permezz tal-mezzi previsti mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni;

(e)

biex jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta' reviżjoni konġunta dwar l-abbozz tal-programmi ta' ħidma nazzjonali bil-ħsieb li dawn il-programmi jiġu ffinalizzati u jżidu l-kooperazzjoni prattika fl-għoti ta' servizzi ta' appoġġ lill-ħaddiema u lill-impjegaturi;

(f)

biex jiġi ffinalizzat l-programm ta' ħidma nazzjonali wara reviżjoni konġunta;

(g)

biex jaġġornaw il-programm ta' ħidma nazzjonali kull meta jkun hemm bżonn jagħmlu l-aġġornamenti disponibbli lin-netwerk permezz tal-mezzi previsti mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni;

(h)

Biex jirrappurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet stabbiliti fil-programm ta' ħidma nazzjonali li tirrispetta l-iskadenzi stabbiliti fl-Anness II;

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew għall-Koordinazzjoni

L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli mill-appoġġ tal-iskambju ta' informazzjoni fost l-Istati Membri dwar il-programmi ta' ħidma nazzjonali u l-eżerċizzju tar-reviżjoni konġunta, b'mod partikolari billi:

(a)

jaqsam l-informazzjoni rilevanti għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/589 li hija disponibbli fil-livell tal-Unjoni mal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni biex jgħinhom ifasslu abbozzi ta' programmi ta' ħidma nazzjonali;

(b)

jiżviluppa u jżomm għodda fuq Extranet tal-portal EURES li jagħmel disponibbli lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni l-mudell imsemmi fl-Artikolu 7 u kwalunkwe informazzjoni relatata dwar kif għandha timtela u tiġi ppreżentata u biex jipprovdi lill-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni bl-opportunità li jirrevedu u jikkummentaw l-abbozzi tal-programmi ta' ħidma nazzjonali ta' xulxin;

(c)

jissorvelja l-applikazzjoni tal-iskadenzi mniżżla fl-Anness II għas-sottomissjoni tal-abbozzi tal-programmi ta' ħidma nazzjonali, l-eżerċizzji ta' analiżi konġunta u r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma nazzjonali;

(d)

jipprovdi kwalunkwe għodda oħra, taħriġ u appoġġ meħtieġ biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u t-tagħlim reċiproku dwar iċ-ċiklu ta' programmazzjoni;

(e)

jagħmel l-elementi rilevanti taċ-ċiklu ta' programmazzjoni disponibbli fuq in-netwerk EURES kollu permezz ta' taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES, bl-għan li jiżdiedu t-trasparenza u t-tagħlim reċiproku;

(f)

iħeġġeġ l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni li jiżguraw il-konsistenza bejn l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 u 32 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(g)

iżomm il-Grupp ta' Koordinazzjoni informat b'mod regolari dwar il-funzjonament taċ-ċiklu ta' programmazzjoni u, fejn meħtieġ, jipproponi emendi fit-tabella u fil-proċeduri.

Artikolu 5

Responsabbiltajiet tal-Membri u s-Sħab tal-EURES

Il-Membri u s-Sħab tal-EURES għandhom jikkontribwixxu għaċ-ċiklu ta' programmazzjoni billi:

(a)

jipprovdu dejta dwar ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli u l-attivitajiet ippjanati li se jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma nazzjonali;

(b)

jimplimentaw l-attivitajiet rilevanti tal-programm ta' ħidma nazzjonali;

(c)

jipprovdu dejta dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħhom li se jiġu inklużi fil-programm ta' ħidma nazzjonali.

Artikolu 6

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2016/589 u jservi ta' forum għall-iskambju ta' fehmiet u l-aħjar prattika bil-ħsieb li jitjieb il-funzjonament tal-EURES taċ-ċiklu ta' programmazzjoni.

2.   Darba fis-sena, il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għal reviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li tkun tikkostitwixxi l-kontribut tal-Grupp ta' Koordinazzjoni tal-EURES lir-rapporti dwar l-attività u ta' valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jiddeċiedi liema elementi ta' programmi ta' ħidma nazzjonali u rapporti nazzjonali ta' attività huma rilevanti għall-membri kollha tal-istaff tal-EURES u għalhekk liema jenħtieġ ikunu aċċessibbli fuq l-Extranet tal-portal EURES biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa taċ-ċiklu ta' programmazzjoni tal-EURES u l-ilħiq tal-objettivi tan-netwerk EURES kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2016/589.

4.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jiddeċiedi liema informazzjoni li tkun ġejja miċ-ċiklu ta' programmazzjoni tal-EURES hija rilevanti u liema tista' tintuża għall-abbozzar tar-rapporti dwar l-attività tal-EURES fl-applikazzjoni tal-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2016/589.

Artikolu 7

Mudell

1.   L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom jużaw verżjoni elettronika tal-mudell riprodott fl-Anness I għall-abbozzar ta' programmi ta' ħidma nazzjonali tagħhom.

2.   L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jistgħu jinkludu attivitajiet kemm hemm bżonn taħt kull taqsima tal-mudell riprodott fl-Anness I.

3.   Jekk l-istrument imsemmi fl-Artikolu 4(b) jew kwalunkwe informazzjoni u dokumentazzjoni relatata jeħtieġu li jiġu adattati jew immodifikati, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu, qabel ma jadotta l-verżjoni ġdida, jikkonsulta lill-Grupp ta' Koordinazzjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589.

Artikolu 8

Proċess

1.   L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom isegwu l-iskeda riprodotta fl-Anness II għat-tħejjija tal-programmi ta' ħidma nazzjonali.

2.   Wara l-fażi tal-adozzjoni, il-programmi ta' ħidma nazzjonali jew partijiet minnhom jistgħu jkun disponibbli fuq in-netwerk EURES fuq l-Extranet tal-portal EURES.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(2)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE tas-26 ta' Novembru 2012 ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-approvazzjoni ta' postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg u l-istabbiliment mill-ġdid tal-EURES (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 21).


ANNESS I

MUDELL BIEX JINTUŻA MILL-UFFIĊĊJI NAZZJONALI TA' KOORDINAZZJONI BIEX IFASSLU L-PROGRAMMI TA' ĦIDMA ANNWALI TAGĦHOM

Il-verżjoni elettronika ta' dan il-mudell u kwalunkwe verżjoni konsolidata tagħha modifikata wara se tkun disponibbli għall-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fuq il-portal EURES.

L-attivitajiet imsemmija hawn taħt fit-taqsimiet diversi tal-mudell huma indikattivi u mhux eżawrjenti.

1.   SOMMARJU EŻEKUTTIV

Din tipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor tal-prijoritajiet u l-attivitajiet prinċipali tal-programm ta' ħidma għall-perjodu ta' referenza.

2.   SERVIZZI ĠENERALI TA' APPOĠĠ

2.1.   Servizzi ta' appoġġ għall-ħaddiema

Din tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet li jappoġġaw lill-ħaddiema bħal:

attivitajiet ta' tlaqqigħ u kollokament (inkluż assistenza fit-tfassil ta' applikazzjonijiet għal xogħol u CVs)

l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' reklutaġġ

l-għoti ta' informazzjoni u gwida ġenerali.

l-għoti ta' informazzjoni speċifika u gwida (eż. dwar kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' għajxien tal-pajjiż ta' destinazzjoni)

oħrajn, jekk applikabbli

2.2.   Servizzi ta' appoġġ għall-impjegaturi

Din tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta' appoġġ lill-impjegaturi, inkluż appoġġ speċifiku għall-SMEs bħal:

attivitajiet ta' tlaqqigħ u kollokament (inkluż assistenza fit-tfassil ta' rekwiżiti ta' impjieg u postijiet tax-xogħol battala)

l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' reklutaġġ

l-għoti ta' informazzjoni u gwida ġenerali

l-għoti ta' informazzjoni dwar regoli speċifiċi marbutin mar-reklutaġġ minn Stat Membru ieħor u dwar fatturi li jistgħu jiffaċilitaw tali reklutaġġ;

oħrajn, jekk applikabbli

3.   SERVIZZI SPEĊIFIĊI TA' APPOĠĠ

3.1.   L-appoġġ għall-apprentistati u t-traineeships

3.2.   Servizzi ta' appoġġ f'reġjuni transkonfinali

Din tipprovdi ħarsa ġenerali dwar l-attivitajiet ta' appoġġ lill-ħaddiema tal-fruntiera u impjegaturi fis-suq tax-xogħol fir-reġjuni tal-fruntieri, bħal pereżempju:

attivitajiet ta' tlaqqigħ u ta' kollokament

l-għoti ta' informazzjoni rilevanti għas-sitwazzjoni speċifika ta' ħaddiema u impjegaturi tal-fruntiera

l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet f'post wieħed għall-appoġġ lil ħaddiema u impjegaturi tal-fruntiera

oħrajn, jekk applikabbli

3.3.   Assistenza wara r-reklutaġġ

Din tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet imwettqa sabiex tiġi żgurata integrazzjoni aħjar tal-ħaddiem mobbli fil-pożizzjoni tiegħu ġdida bħal:

informazzjoni ġenerali/attivitajiet li jqajmu kuxjenza għall-impjegaturi dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema reklutati

informazzjoni dwar attivitajiet ta' taħriġ disponibbli li huma rilevanti għall-integrazzjoni tal-ħaddiema (eż. taħriġ fil-lingwa

servizzi oħrajn, jekk applikabbli.

3.4.   Attivitajiet oħrajn u kontribuzzjonijiet lil programmi oħra

Din tipprovdi informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fi skemi speċifiċi ta' mobilità tal-ħaddiema appoġġjati finanzjarjament mill-baġit tal-UE jew sorsi nazzjonali, parteċipazzjoni fi proġetti bilaterali jew multilaterali li jindirizzaw il-mobilità tal-ħaddiem u kwalunkwe attività oħra li ma taqax taħt il-kategoriji msemmija hawn fuq.

4.   IR-RIŻORSI U L-GOVERNANZA

4.1.   Riżorsi umani

L-għadd totali stmat ta' membri tal-istaff ekwivalenti għall-full time li jaħdem f'EURES (l-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, il-Membri u s-Sħab tal-EURES)

4.2.   Riżorsi Finanzjarji

Allokazzjoni stmata ta' riżorsi f'EUR disponibbli għal dawn l-organizzazzjonijiet membri bil-kategorizzazzjoni skont is-sors: sorsi nazzjonali, il-baġit tal-UE (jekk applikabbli) u oħrajn (jekk applikabbli).

4.3.   L-infrastruttura tal-IT

Għodod u infrastruttura tal-IT iddedikati għall-attività tal-EURES kif ukoll aċċess għal għodod oħra kondiviżi mal-Membri tal-EURES (eż. l-infrastruttura ġenerali PES) u s-Sħab.

4.4.   Governanza

Din tipprovdi ħarsa ġenerali tal-attivitajiet li jappoġġaw il-funzjonament tan-netwerks nazzjonali bħal:

attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għan-netwerk nazzjonali

l-interoperabbiltà u l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri tal-EURES u s-Sħab tan-netwerk nazzjonali

l-użu ta' approċċi ġodda u innovattivi għat-twassil tas-servizzi

il-kooperazzjoni ma' partijiet interessati oħra bħall-imsieħba soċjali, netwerks oħrajn, servizzi ta' gwida għall-karriera, il-kmamar tal-kummerċ, l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni, eċċ

4.5.   Taħriġ

Din tipprovdi informazzjoni dwar taħriġ (inkluż taħriġ minn qabel) f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali u, jekk applikabbli, kwalunkwe attivitajiet oħra ta' tagħlim li jappoġġjaw iż-żieda ta' ħiliet u għarfien fi ħdan in-netwerk

4.6.   Komunikazzjoni

Din telenka dawk l-azzjonijiet speċifiċi li jirriżultaw minn pjanijiet ta' komunikazzjoni nazzjonali u/jew l-istrateġija tal-komunikazzjoni tal-EURES, jekk applikabbli, u attivitajiet oħra importanti ta' komunikazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni li huma ppjanati li jiġu implimentati fil-perjodu ta' referenza u ta' rilevanza għas-servizzi ta' appoġġ elenkati fit-taqsima 2 u 3 ta' hawn fuq.

4.7.   Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-azzjonijiet

Din telenka l-għodod użati biex jitkejlu r-riżultati u l-eżiti tal-attività tal-EURES fil-livell nazzjonali.


ANNESS II

SKEDA TA' ŻMIEN GĦAT-TĦEJJIJA TAL-PROGRAMM TA' ĦIDMA NAZZJONALI ANNWALI

1.   IL-FAŻI TAL-PREPARAZZJONI

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jiżguraw li l-informazzjoni dwar in-nuqqas u l-eċċess ta' ħaddiema fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali tinġabar, tiġi analizzata u tinqasam. Tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-suq tax-xogħol u lir-reġjuni l-aktar affettwati mill-qgħad filwaqt li titqies id-dejta dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobilità.

2.   IL-FAŻI TAL-ABBOZZAR

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jabbozzaw l-ewwel verżjoni ta' abbozz tal-programm ta' ħidma nazzjonali bl-użu tal-informazzjoni miġbura matul il-fażi ta' preparazzjoni sal-31 ta' Ottubru tas-sena N – 1. L-abbozzi jsiru disponibbli fit-taqsima ddedikata fl-extranet tal-portal tal-EURES.

3.   IL-FAŻI TA' REVIŻJONI KONĠUNTA

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni flimkien jirrieżaminaw l-abbozzi tal-programmi ta' ħidma nazzjonali annwali sal-31 ta' Diċembru tas-sena N – 1.

4.   IL-FAŻI TAL-ADOZZJONI

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jiffinalizzaw il-programmi ta' ħidma nazzjonali filwaqt li jitqies ir-rispons li jasal matul il-fażi ta' rieżami sal-31 ta' Jannar tas-sena N.

5.   IL-FAŻI TAL-IMPLIMENTAZZJONI

L-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma nazzjonali annwali minn Jannar sa Diċembru tas-sena N.

6.   IL-FAŻI TAR-RAPPURTAR

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jiġbru informazzjoni dwar ir-riżultati u jirrapurtaw dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma nazzjonali sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/32


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1257

tal-11 ta' Lulju 2017

dwar l-istandards u l-formati tekniċi meħtieġa għal sistema uniformi li tippermetti t-tqabbil ta' postijiet tax-xogħol battala ma' applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs fuq il-portal EURES

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/589 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' April 2016 dwar netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta' mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(8) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/589 jistabbilixxi, inter alia, prinċipji u regoli dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kondiviżjoni ta' dejta disponibbli rilevanti dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs.

(2)

L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589 jipprevedi t-twaqqif ta' sistema uniformi li tiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs tal-Istati Membri fil-portal EURES.

(3)

Biex tiġi stabbilita sistema uniformi u biex ikun jista' jsir tiftix u tqabbil effiċjenti mad-dejta pprovduta, huwa meħtieġ l-użu ta' standards u formats komuni għad-dejta li trid tiġi skambjata.

(4)

Kemm jista' jkun, dawn l-istandards u l-formats għandhom ikunu bbażati fuq standards stabbiliti sew mill-industrija jew mis-settur governattiv użati mis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u operaturi oħra tas-suq tax-xogħol u jenħtieġ li jiġu adottati abbażi ta' konsultazzjonijiet xierqa mal-Istati Membri.

(5)

Jista' jkun meħtieġ li maż-żmien, l-istandards u l-formats jiġu adattati biex jirriflettu t-tibdil teknoloġiku jew funzjonali. Għaldaqstant, huwa importanti li jidħol fis-seħħ mudell ta' governanza li jiżgura l-konsultazzjoni xierqa u l-involviment tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni ta' standards u formats.

(6)

Biex jitħaffef ix-xogħol tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni fl-organizzazzjoni tat-trażmissjoni ikkoordinat tal-informazzjoni għall-portal EURES, biex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tal-mekkaniżmu ta' skambju ta' dejta tajba u biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tal-informazzjoni, huwa meħtieġ li jiġu identifikati u stabbiliti xi prinċipji ġenerali għat-twaqqif u għat-tħaddim tas-sistema kif ukoll tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tal-partijiet involuti.

(7)

Dawn il-prinċipji ġenerali jenħtieġ li jispjegaw u jiċċaraw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-oriġinaturi u tad-detenturi ta' dejta u kif jistgħu jiżguraw il-protezzjoni ta' dejta personali matul il-katina tat-trażmissjoni ta' dejta.

(8)

Biex ikun appoġġat it-tqabbil effettiv fuq il-portal EURES bejn il-postijiet tax-xogħol battala, inkluż pożizzjonijiet għal apprendisti u trainees, u l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament (UE) 2016/589, huwa importanti li l-Membri u s-Sħab tal-EURES jagħmlu disponibbli l-akbar numru possibbli ta' postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għax-xogħol u CVs xierqa fil-pussess tagħhom b'mod trasparenti.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni b'rabta mal-ipproċessar tad-dejta personali jenħtieġu jitwettqu f'konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali, b'mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), kif ukoll il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali relatati magħhom. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-konformità mal-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop, għall-minimizzazzjoni tad-dejta, għal-limitazzjoni tal-ħżin, għall-integrità u għall-kunfidenzjalità.

(10)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-EURES,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-suġġett, il-kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istandards u l-formats tekniċi li għandhom jintużaw għas-sistema uniformi li tiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet għax-xogħol u s-CVs tal-membri tal-EURES u, fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, fuq il-portal EURES u l-metodi u l-proċeduri għall-qbil dwar definizzjonijiet tekniċi u funzjonali ulterjuri.

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“applikazzjoni għax-xogħol” tfisser dokument jew sett ta' dokumenti li applikant jittrasferixxi lil impjegatur jew lil servizz tal-impjiegi bħala parti minn proċess biex jgħarraf impjegatur dwar id-disponibbiltà u x-xewqa tal-applikant li jiġi impjegat f'post tax-xogħol jew pożizzjoni partikolari;

(b)

“CV” tfisser dokument li jiddeskrivi l-profil ta' persuna f'termini ta' sommarju tal-esperjenza professjonali u tal-isfond edukattiv, flimkien ma' informazzjoni rilevanti oħra dwar il-kisbiet, il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-interessi tal-persuna;

(c)

“profil ta' persuna li qed tfittex impjieg” tfisser il-format standard tad-dejta għall-approvazzjoni tas-CVs u tal-applikazzjonijiet għax-xogħol tal-ħaddiema kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni;

(d)

“oriġinatur tad-dejta” tfisser il-persuna jew l-entità li oriġinarjament ħolqot sett ta' dejta li hija disponibbli fuq il-portal EURES. Impjegaturi li jkunu ppubblikaw post tax-xogħol battal u ħaddiema li jkunu ħolqu u ddeċidew li jippubblikaw profil ta' persuna li qed tfittex impjieg ma' Membru tal-EURES, jew fejn rilevanti ma' Sieħeb tal-EURES, u jkunu taw il-kunsens meħtieġ biex ikollhom l-informazzjoni ttrasferita fil-portal EURES jiġu kkunsidrati bħala oriġinaturi ta' dejta;

(e)

“detentur tad-dejta tal-EURES” tfisser il-persuna jew l-entità li għandha d-drittijiet legali li tikkontrolla min għandu jkollu aċċess għad-dejta. Id-detentur tad-dejta tal-EURES jista' jkun l-oriġinatur tad-dejta jew xi ħadd li nħatar mill-oriġinatur tad-dejta jew qed jaġixxi f'ismu;

(f)

“utent aħħari” tfisser persuna jew entità li qed tiġbor u tuża dejta dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg miġjuba flimkien fuq il-portal EURES skont din id-Deċiżjoni bl-għan li ssib postijiet tax-xogħol battala biex tapplika għalihom jew biex issib kandidati u toffrilhom opportunitajiet ta' xogħol;

(g)

“sistema uniformi” tfisser id-definizzjonijiet dwar id-dejta u l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali għat-trażmissjoni u l-ipproċessar tad-dejta stipulati f'din id-Deċiżjoni bl-għan li jkun jista' jsir tqabbil bejn il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs;

(h)

“infrastruttura teknika” tfisser il-kombinament tas-sett ta' ħardwer, softwer, netwerks u faċilitajiet oħra meħtieġa biex jiġu żviluppati, ittestjati, imwettqa, issorveljati, ikkontrollati jew appoġġati s-servizzi tal-IT rilevanti meħtieġa għall-applikazzjoni ta' sistema uniformi;

(i)

“mezz ikkoordinat uniku” tfisser servizz li huwa stabbilit bejn il-punt ta' konnessjoni tal-portal EURES u l-punt ta' konnessjoni fi Stat Membru biex jippermetti t-trażmissjoni ta' dejta bejn il-Membri nazzjonali tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, u l-portal EURES skont is-sistema uniformi u bl-użu tal-infrastruttura teknika xierqa.

Artikolu 2

Il-prinċipji ġenerali għat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm mezz ikkoordinat uniku għat-trażmissjoni ta' postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg mill-Membri nazzjonali tiegħu tal-EURES, u fejn rilevanti mis-Sħab tal-EURES, għall-portal EURES.

2.   Għal dak l-għan kull Stat Membru għandu jimplimenta infrastruttura teknika, konnessa mal-portal EURES, li l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, ikunu jistgħu jikkonnettaw magħha u jittrażmettu d-dejta tagħhom.

3.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni jopera l-portal EURES u servizzi relatati tal-IT biex jirċievi u jipproċessa d-dejta trażmessa permezz tal-infrastruttura msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel id-dejta disponibbli għal tiftix u tqabbil mhux biss minn utenti aħħarin direttament fuq il-portal EURES, iżda wkoll permezz ta' interfaċċji tal-applikazzjoni li jippermettu li l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, jagħmlu l-informazzjoni disponibbli fis-sistemi rispettivi tagħhom għall-persunal tagħhom u għal utenti tal-portali u s-servizzi tagħhom ta' tiftix għall-impjiegi.

5.   Id-definizzjonijiet, l-istandards, l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċessi kollha meħtieġa għandhom ikunu dettaljati f'dokumenti li għandhom jiġu maqbula bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni permezz tal-istruttura ta' governanza stipulata f'din id-Deċiżjoni u disponibbli għall-partijiet kollha konċernati fit-taqsima ddedikata fl-Extranet tal-portal EURES.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali għall-kontenut u l-kwalità tad-dejta

1.   Id-dejta trażmessa fuq il-portal EURES skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u din id-Deċiżjoni hija indiċjata, maħżuna u magħmula disponibbli hemm għal skopijiet ta' tiftix u tqabbil biss, matul il-perjodu ta' validità tad-dejta individwali stabbilit mill-oriġinatur jew mid-detentur tad-dejta tal-EURES. Dejta li tkun ġiet anonimizzata tista' tinħażen u tiġi rilaxxata, anki lil partijiet terzi, għall-finijiet ta' riċerka u statistika, anki wara li jiskadi l-perjodu ta' validità.

2.   It-trażmissjoni ta' dejta għall-portal EURES ma għandhiex taffettwa d-drittijiet għad-dejta li għandhom l-oriġinaturi tad-dejta jew id-detenturi tad-dejta tal-EURES, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet applikabbli permezz tal-katina sħiħa ta' trażmissjoni mill-oriġinatur tad-dejta sal-portal EURES.

3.   Dejta personali trażmessa u maħżuna fuq il-portal EURES tista' tiġi rilaxxata biss sa fejn jippermetti l-kunsens tal-oriġinatur tad-dejta. Tista' tiġi rrilaxxata biss lil Membri u Sħab tal-EURES jew lil utenti aħħarin, li jkunu rreġistraw fuq il-portal EURES jew ma' Membru jew Sieħeb tal-EURES li jkun tahom aċċess għad-dejta permezz ta' interfaċċi tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(4), sakemm dawn l-utenti aħħarin ikunu aċċettaw it-termini u l-kundizzjonijiet li huma konformi bis-sħiħ mal-kunsens u mal-ftehimiet mogħtija mill-oriġinaturi tad-dejta.

4.   L-impjegaturi jistgħu b'mod impliċitu jew espliċitu jċedu jew jirrinunzjaw id-drittijiet għad-dejta li tkun tinsab f'post tax-xogħol battal ħlief kull informazzjoni personali li tkun fihom. Ħaddiem għandu jżomm id-drittijiet għad-dejta personali tiegħu jew tagħha u għandu, f'kull ħin, ikun jista' jirtira l-kunsens tiegħu jew tagħha li jagħmel l-informazzjoni pubblika jew iħassar, jemenda jew jipproċessa partijiet mid-dejta jew id-dejta kollha trażmessa lill-portal EURES. L-istess għandu japplika fir-rigward ta' impjegaturi għal kull dejta personali li tkun tinsab f'post tax-xogħol battal.

5.   Hija r-responsabbiltà tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, li jiżguraw li d-dejta kollha li tgħaddi mingħandhom bl-iskop li titwassal fuq il-portal EURES tkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/589 ma' din id-Deċiżjoni u ma' kull liġi u regolament ieħor applikabbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni ta' dejta personali, li l-oriġinaturi tad-dejta jew id-detenturi tad-dejta tal-EURES ikunu infurmati dwar kif se tintuża u tiġi pproċessata d-dejta tagħhom u li l-kunsensi u l-permessi kollha meħtieġa jkunu nkisbu. L-oriġini tad-dejta u kwalunkwe modifika tagħha kif ukoll il-kunsens mogħti jridu jkunu traċċabbli tul il-katina kollha ta' trażmissjoni mingħand l-oriġinatur sal-portal EURES.

6.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun il-“kontrollur” skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-dejta personali maħżuna fuq il-portal EURES. Għandu jkun responsabbli skont dak ir-Regolament għall-ipproċessar ta' dejta personali, inkluż l-anonimizzazzjoni tal-proċess imsemmi fil-paragrafu 1, u għall-miżuri tekniċi u organizzattivi neċessarji biex jiżgura s-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità tad-dejta kkonċernata.

7.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jelabora u jiftiehem dwar rekwiżiti minimi komuni fir-rigward ta' dikjarazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta personali, it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, il-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/589 bil-kunsens informat mill-oriġinaturi tad-dejta jew mid-detenturi tad-dejta tal-EURES u jiġi żgurat li jkun hemm l-istess termini u kundizzjonijiet għall-aċċess għad-dejta.

Artikolu 4

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni

L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni għandhom, fl-Istat Membru rispettiv tagħhom, ikunu responsabbli mill-organizzazzjoni tat-trażmissjoni koordinata u sikura ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, b'mod partikolari billi:

(a)

jissorveljaw l-istabbiliment u l-manutenzjoni tal-infrastruttura teknika meħtieġa biex jiżguraw li d-dejta rilevanti tal-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, tkun tista' tiġi trażmessa lill-portal EURES permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(b)

jippermettu li l-Membri kollha tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, jikkomunikaw u jittrażmettu d-dejta permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(c)

Jiżguraw li jimmonitorjaw kontinwament il-konnessjonijiet mal-portal EURES u mal-Membri u s-Sħab parteċipanti tal-EURES u billi jkunu jistgħu jaġixxu malajr biex jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni teknika jew ta' xorta oħra li tista' tinqala' f'dak li għandu x'jaqsam mal-konnessjoni jew mad-dejta li trid tiġi trażmessa;

(d)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(e)

jiżguraw li d-dejta kollha trażmessa tirrispetta l-istandards u l-formats maqbula kif previst fir-Regolament (UE) 2016/589 u f'din id-Deċiżjoni;

(f)

jiżguraw li jkunu fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li l-oriġinaturi ta' dejta jkunu informati u konxji dwar kif id-dejta tagħhom se tintuża u tiġi pproċessata;

(g)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni tad-dejta personali;

(h)

jipparteċipaw fl-iskambju ta' informazzjoni u fil-kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) 2016/589;

(i)

iżommu lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni infurmat dwar il-politiki fir-rigward tal-esklużjoni tal-postijiet tax-xogħol battala jew il-kategoriji tal-postijiet tax-xogħol battala skont L-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(j)

jinnotifikaw l-appuntament ta' punt ta' kuntatt uniku, kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Artikolu 5

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni

L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jkun responsabbli għall-appoġġ tan-netwerk EURES fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tat-trażmissjoni kkoordinata ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxu u jmantnu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex tirċievi dejta mill-Istati Membri permezz ta' mezz ikkoordinat uniku;

(b)

joperaw u jiżviluppaw aktar il-portal EURES u s-sistemi tal-IT relatati biex jipprovdu servizzi ta' tiftix u tqabbil għan-netwerk EURES u għall-utenti aħħarin permezz ta' self-services fuq il-portal EURES;

(c)

jistabbilixxu u jmantnu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex tippermetti lill-Membri tal-EURES, u fejn rilevanti s-Sħab tal-EURES, li jkollhom aċċess għal postijiet tax-xogħol battala u profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg fuq il-portal EURES biex dawn ikunu disponibbli u aċċessibbli għat-tiftix għall-persunal u l-utenti tagħhom fuq il-portali tagħhom tat-tiftix għall-impjiegi;

(d)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u billi jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(e)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali;

(f)

jipprovdu taqsima ddedikata fuq l-Extranet tal-portal EURES kif ukoll għodod oħrajn u l-appoġġ meħtieġ biex jippermetti li l-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni u l-Membri u s-Sħab tal-EURES jiskambjaw informazzjoni u biex jittrattaw l-ilmenti b'mod effiċjenti kif stabbilit fir-Regolament u f'din id-Deċiżjoni;

(g)

iħejju, jaġġornaw u jagħmlu disponibbli fuq l-Extranet tal-portal EURES id-dokumentazzjoni teknika kollha meħtieġa u dokumentazzjoni oħra meħtieġa għall-funzjonament tat-trażmissjoni u l-iskambju tad-dejta, b'mod partikolari tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 8.

Artikolu 6

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Membri u s-Sħab tal-EURES

1.   Il-Membri kollha tal-EURES u dawk is-Sħab tal-EURES li impenjaw ruħhom li jwettqu l-kompiti li jikkontribwixxu għall-ġabra ta' postijiet tax-xogħol battala u/jew il-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għandhom, permezz tal-infrastruttura teknika stabbilita skont din id-Deċiżjoni, jipparteċipaw fit-trażmissjoni kkoordinata u sigura ta' informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u l-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg għall-portal EURES, kif imsemmi fl-Artikoli 12(3) u 17(1) tar-Regolament (UE) 2016/589, b'mod partikolari billi:

(a)

iwaqqfu l-infrastruttura teknika meħtieġa biex wieħed jikkonnettja mal-mezz ikkoordinat uniku pprovdut fil-pajjiż rispettiv tagħhom;

(b)

jimmonitorjaw kontinwament il-konnessjonijiet u jkunu jistgħu jaġixxu malajr biex jindirizzaw kwalunkwe kwistjoni teknika jew ta' xorta oħra li tista' tinqala' f'dak li għandu x'jaqsam mal-konnessjoni jew mad-dejta li trid tiġi trażmessa;

(c)

jiżguraw li l-attivitajiet kollha marbuta mal-iskambju u t-trażmissjoni tad-dejta jsiru f'konformità sħiħa mar-Regolament (UE) 2016/589 u l-prinċipji ġenerali stabbiliti f'din id-Deċiżjoni u billi jintervjenu kull meta dan ma jkunx il-każ;

(d)

jiżguraw li d-dejta kollha trażmessa tirrispetta l-istandards u l-formats maqbula kif previst fir-Regolament (UE) 2016/589 u f'din id-Deċiżjoni;

(e)

jiżguraw li l-oriġinaturi tad-dejta jkunu informati u konxji bis-sħiħ dwar kif id-dejta tagħhom se tintuża u tiġi pproċessata;

(f)

jipprovdu u jaġġornaw regolarment l-informazzjoni dwar il-miżuri u s-sistemi fis-seħħ biex jiżguraw il-kwalità, is-sigurtà, l-integrità, il-kunfidenzjalità u t-traċċabilità tad-dejta, inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali;

(g)

iżommu lill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni infurmat b'mod ċar u trasparenti dwar l-applikazzjoni tal-politiki dwar l-esklużjoni mit-trażmissjoni tal-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli pubblikament bl-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/589;

(h)

jipprovdu Kuntatt tas-Servizzi biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' Koordinazzjoni. Il-funzjoni tas-servizz ta' kuntatt tista' titwettaq mill-uffiċċju tal-informazzjoni (helpdesk) jew minn servizz simili.

2.   Biex jiġi żgurat li l-persunal tagħhom involut fin-netwerk EURES u li l-utenti aħħarin tal-portali għat-tfittix ta' impjieg li jimmaneġġjaw ikollhom aċċess faċli, u jkunu jistgħu jagħmlu tiftix u tqabbil ma' postijiet tax-xogħol battala u ma' profili ta' min ikun qed ifittex impjieg disponibbli fuq il-portal EURES, il-Membri u s-Sħab tal-EURES jistgħu jikkonnettjaw is-sistemi tagħhom u jużaw l-infrastruttura teknika pprovduta mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għal dan l-għan.

Artikolu 7

Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.   Il-grupp ta' Koordinazzjoni għandu jappoġġa l-funzjonament tajjeb tas-sistema uniformi u l-organizzazzjoni tat-trażmissjoni kkoordinata u sigura tal-informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala u l-profili ta' persuni li qed ifittxu impjieg fuq il-portal EURES u kontinwament jikkontribwixxi għat-titjib tagħha. Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-operat u jservi ta' forum għal skambju ta' fehmiet u l-aħjar prattiki bil-ħsieb li jitjieb il-funzjonament tas-sistema uniformi.

2.   Il-Grupp ta' Koordinazzjoni għandu, darba fis-sena, ikun responsabbli għal reviżjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li se tikkostitwixxi l-kontribuzzjoni tal-Istati Membri għall-attività u r-rapporti ta' valutazzjoni ex post mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 33 u 35 tar-Regolament (UE) 2016/589.

3.   L-adozzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES u kull tibdil fihom, kif imsemmi fl-Artikolu 8 iridu jiġu maqbula bejn il-Grupp ta' Koordinazzjoni, skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 qabel ma jkunu jistgħu jiġu applikati.

4.   Il-Grupp tal-Koordinazzjoni jista' jwaqqaf gruppi ta' esperti speċifiċi biex jipprovdi appoġġ, għajnuna u pariri dwar il-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Definizzjonijiet tekniċi u funzjonali u l-ispeċifikazzjonijiet għall-iskambju tad-dejta

1.   Skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9, l-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jadotta l-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” li għandhom jikkonsistu minn:

(a)

“Speċifikazzjoni tal-formats u tal-istandards tal-EURES”, li tiddeskrivi l-format tad-dejta, id-definizzjonijiet tad-dejta, l-istandards li għandhom jintużaw u r-regoli ta' validazzjoni li għandhom jiġu rrispettati waqt it-trażmissjoni ta' post tax-xogħol battal jew ta' profil ta' persuna li qed tfittex impjieg għall-portal EURES permezz tas-sistema uniformi;

(b)

“Speċifikazzjonijiet tal-iskambju ta' messaġġi funzjonali tal-EURES” li jiddeskrivu l-infrastruttura teknika li teħtieġ tiġi pprovduta u l-ispeċifikazzjonijiet tal-iskambju li għandhom jiġu implimentati biex jiġi żgurat l-iskambju ta' dejta;

(c)

“Manwal għall-proċess tal-interoperabbiltà tal-EURES”, li jiddeskrivi l-proċessi, l-azzjonijiet u l-interventi biex iħaddmu l-mezz ikkoordinat uniku, biex jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-bidla u jassiguraw il-kwalità, is-sigurtà, it-traċċabilità u l-protezzjoni tad-dejta inkluż il-protezzjoni ta' dejta personali.

2.   L-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” u kwalunkwe aġġornamenti jew modifiki tagħhom għandhom ikunu disponibbli għan-netwerk EURES fit-taqsima speċifika fuq l-Extranet tal-portal tal-EURES.

Artikolu 9

Il-governanza

1.   L-Istati Membri kollha għandhom, permezz tal-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni tagħhom, jaħtru u jinnotifikaw lill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, id-dettalji ta' punt uniku ta' kuntatt fejn it-talbiet, il-mistoqsijiet u l-komunikazzjonijiet kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet relatati ma' servizzi tal-IT skont ir-Regolament (UE) 2016/589 u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu indirizzati.

2.   Għall-fini tal-funzjonament bla xkiel tas-sistema uniformi għall-iskambju ta' dejta, tal-portal EURES u tas-servizzi relatati tal-IT, l-Uffiċċju Ewropew tal-Koordinazzjoni għandu jorganizza laqgħat regolari u jiżgura mezzi effettivi ta' komunikazzjoni fost il-punti uniċi ta' kuntatt imsemmija fil-paragrafu 1. Il-grupp ta' punti uniċi ta' kuntatt jistgħu jinħatru mill-Grupp ta' Koordinazzjoni biex iħejji konsultazzjonijiet jew biex jiġu mistiedna jipprovdu gwida jew pariri fir-rigward tal-kwistjonijiet tekniċi u tal-IT skont ir-Regolament (UE) 2016/589.

3.   Qabel l-adozzjoni tal-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES”, u kwalunkwe modifika sussegwenti tagħhom mill-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni, għandha ssir konsultazzjoni formali mal-Grupp ta' Koordinazzjoni, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2016/589. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, fejn xieraq, ikunu ppreċeduti minn konsultazzjonijiet fuq livell tekniku fi ħdan in-netwerk EURES u ma' esperti rilevanti oħra nazzjonali u internazzjonali, bħall-korpi involuti fl-iżvilupp ta' formats u standards.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Uffiċċju Ewropew ta' Koordinazzjoni għandu jippubblika l-ewwel verżjoni tal-“Ispeċifikazzjonijiet tal-Mezz Ikkoordinat Uniku tal-EURES” u l-listi rilevanti l-oħra kollha u d-dokumenti ta' gwida fuq l-Extranet tal-portal EURES mhux aktar tard mill-1 ta' Diċembru 2017.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 107, 22.4.2016, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) u mill-25 ta' Mejju 2018, ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data. (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


12.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/39


DEĊIŻJONI (UE) 2017/1258 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta' Lulju 2017

dwar id-delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar it-trażmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BĊE/2017/22)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta' Novembru 1998 dwar il-ġbir ta' tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, is-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) tista' tibgħat informazzjoni statistika kunfidenzjali lil awtoritajiet jew korpi tal-Istati Membri u tal-Unjoni responsabbli għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji, swieq u infrastrutturi jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali u lill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) sal-punt u fil-livell ta' dettall meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom. Il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jikkwalifika bħala tali awtorità jew korp.

(2)

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, l-awtoritajiet jew korpi li jirċievu informazzjoni statistika kunfidenzjali għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa ta' natura regolatorja, amministrattiva, teknika u organizzattiva sabiex jiżguraw il-protezzjoni fiżika u loġika ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali. Il-Kunsill Governattiv evalwa li l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni ħa dawk il-miżuri.

(3)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet b'rabta ma' deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, hija meħtieġa deċiżjoni ta' delegazzjoni. Skont l-Artikolu 12.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jiddelega ċerti setgħat lill-Bord Eżekuttiv. Skont il-prinċipji ġenerali dwar id-delegazzjoni kif żviluppati u kkonfermati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandha tkun limitata, proporzjonata u bbażata fuq kriterji speċifikati. Peress li d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu huma ta' natura teknika aktar milli ta' natura politika, dawk il-kriterji jistgħu jibqgħu relattivament ġenerali.

(4)

Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni ddelegata, kif stipulat f'din id-deċiżjoni ta' delegazzjoni, meta jkunux sodisfatti, deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Eżekuttiv.

(5)

Minħabba l-volum konsiderevolment ogħla ta' talbiet mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex tintbagħat informazzjoni statistika kunfidenzjali, id-deċiżjoni għandha tiġi adottata bħala kwistjoni ta' urġenza u għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“informazzjoni statistika kunfidenzjali” tfisser informazzjoni statistika kunfidenzjali kif iddefinita fil-punt (12) tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98;

(2)

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' delegazzjoni ta' setgħat mill-Kunsill Governattiv skont din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

1.   Bil-preżenti l-Kunsill governattiv jiddelega lill-Bord Esekuttiv id-deċiżjonijiet dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

2.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tiġi adottata permezz ta' deċiżjoni ddelegata, jekk ikunu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet iddelegati dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni

1.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tittieħed biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata meta din l-informazjzoni tkun, skont l-Artikolu 8(4a) tar-Regolament (KE) Nru 2533/98, neċessarja għall-eżerċitar tal-kompiti tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. L-informazzjoni statistika kunfidenzjali li għandha tintbagħat lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva b'rabta ma' dawk il-kompiti.

2.   Deċiżjoni dwar it-trasmissjoni ta' informazzjoni statistika kunfidenzjali lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tittieħed biss permezz ta' deċiżjoni ddelegata:

(a)

meta l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni biex iwettaq Test tal-Interess Pubbliku sabiex jevalwa jekk u kif il-miżuri ta' riżoluzzjoni ser ikollhom impatt fuq il-kontropartijiet minn perspettiva ta' stabbiltà finanzjarja u sabiex jiġi evalwat l-istat ta' interkonnettività finanzjarja ma' istituzzjonijiet finanzjarji u kontropartijiet oħrajn;

(b)

meta t-trażmissjoni ta' din l-informazzjoni ma tkunx ta' preġudizzju għat-twettiq tal-kompiti tas-SEBĊ.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta' Lulju 2017.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1, Vol. 3, p. 23.