ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 143

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
3 ta' Ġunju 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/950 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1068/2011 fir-rigward tal-kontenut minimu tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għal tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet kollha ta' tjur imrobbija għall-bajd (id-detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE) ( 1 )

5

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni (UE) 2017/951 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja — FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems

9

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/949

tat-2 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jistipula r-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart. Sabiex jiġu ttraċċati l-movimenti tal-bhejjem tal-fart, dak ir-Regolament jistipula li l-annimali kollha għandhom jiġu identifikati b'tal-inqas żewġ mezzi ta' identifikazzjoni elenkati fl-Anness I tiegħu, li jkollhom l-istess kodiċi ta' identifikazzjoni uniku. Il-mezzi ta' identifikazzjoni elenkati f'dak l-Anness jinkludu ċomba tal-widna konvenzjonali u identifikatur elettroniku f'forma ta' ċomba elettronika tal-widna jew bolus ruminali jew transponder injettabbli.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 653/2014 (2), fih previst ir-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandha tiġi stabbilita permezz ta' atti ta' implimentazzjoni.

(3)

L-aktar konfigurazzjoni xierqa tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini, li trid tkun konsistenti mal-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) għall-identifikazzjoni tal-annimali, hija jew il-kodiċi alfa ta' żewġ ittri tal-pajjiż jew il-kodiċi numeriku tal-pajjiż bi tliet ċifri u kodiċi individwali tal-annimali b'massimu ta' 12-il ċifra.

(4)

Barra minn hekk, il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandha tiġi stabbilita f'dan ir-Regolament għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq uniku mhux biss għall-bhejjem tal-fart iżda wkoll għall-annimali ovini u kaprini, fejn din il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni tkun meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (3), irrispettivament mill-mezzi ta' identifikazzjoni introdotti fl-Istati Membri differenti.

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (4) jistabbilixxi l-forma kodifikata użata biex tidentifika l-Istat Membru tal-oriġini flimkien ma' informazzjoni dwar l-annimal individwali li għandha tiġi applikata fuq ċomba tal-widnejn viżibbli. Din l-għamla kkodifikata ta' identifikazzjoni hija l-kodiċi alfa ta' żewġ ittri tal-pajjiż flimkien ma' kodiċi individwali tal-annimali li jikkonsisti f'massimu ta' 12-il ċifra.

(6)

Il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart għandha tkun tapplika kemm għaċ-ċomb tal-widnejn konvenzjonali kif ukoll għall-identifikaturi elettroniċi, u dawn il-kodiċijiet għandhom ikunu interoperabbli, u għandhom ikunu jistgħu jiġu skambjati u kapaċi jinqraw b'mod elettroniku fl-Istati Membri kollha. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 911/2004 għandu jiġi emendat sabiex jirreferi għal dan il-kodiċi ta' identifikazzjoni li għandu jiġi stabbilit f'dan ir-Regolament.

(7)

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 911/2004 jipprevedi li Spanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit jistgħu jżommu s-sistema tagħhom ta' kodiċi alfa-numeriku ta' 12-il ċifra li ssegwi l-kodiċi tal-pajjiż fir-rigward ta' annimali mwielda sal-31 ta' Diċembru 1999 għal Spanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall u għar-Renju Unit fir-rigward ta' annimali mwielda sat-30 ta' Ġunju 2000. Billi r-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-bhejjem tal-fart stabbiliti f'dan ir-Regolament huma maħsuba biex jieħdu post dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 911/2004, dan ir-Regolament għandu jipprevedi wkoll dik id-deroga.

(8)

L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu database kompjuterizzata għall-annimali bovini meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jkollha tirreġistra l-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) ta' dak ir-Regolament jistabbilixxi d-data li fiha l-Istati Membri jridu jiżguraw l-operabbiltà sħiħa tal-infrastruttura meħtieġa biex jagħmlu użu ta' identifikatur elettroniku bħala mezz uffiċjali ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini. Din l-infrastruttura tinkludi d-database kompjuterizzat.

(9)

Sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel miċ-ċomb tal-widnejn konvenzjonali għall-identifikaturi elettroniċi, jixraq li jiġu stabbiliti miżuri interim tar-rikodifikar tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini fid-database kompjuterizzat sakemm tkun żgurata l-operabbiltà sħiħa tal-infrastruttura meħtieġa għall-użu ta' identifikatur elettroniku mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli dwar il-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini kif previst fl-Artikolu 4(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000.

Artikolu 2

Konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini

Il-kodiċi ta' identifikazzjoni tal-annimali bovini għandu jintwera fuq il-mezz ta' identifikazzjoni kif ġej:

(a)

l-ewwel element tal-kodiċi ta' identifikazzjoni jeħtieġ li l-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru fejn il-mezz ta' identifikazzjoni jkun ġie applikat għall-ewwel darba, fil-forma jew ta' kodiċi alfa b'żewġ ittri jew fil-forma ta' kodiċi numeriku bi tliet ċifri, kif elenkat fl-Anness;

(b)

it-tieni element tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għandu jkun kodiċi numeriku individwali b'massimu ta' 12-il ċifra; madankollu, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, il-Portugall u r-Renju Unit jistgħu jżommu s-sistema tagħhom ta' kodiċi alfa-numeriku ta' 12-il ċifra u jsegwu l-kodiċi tal-pajjiż fir-rigward ta' annimali mwielda sal-31 ta' Diċembru 1999 għall-Irlanda, għal Spanja, għall-Italja, u għall-Portugall, u għar-Renju Unit fir-rigward ta' annimali mwielda sat-30 ta' Ġunju 2000.

Artikolu 3

Database kkompjuterizzat

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista' tirreġistra fid-database kompjuterizzat għall-annimali bovini kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kodiċi ta' identifikazzjoni fil-forma jew ta' kodiċi alfa b'żewġ ittri jew ta' kodiċi numeriku bi tliet ċifri kif imsemmi fl-Artikolu 2(a) ta' dan ir-Regolament irrispettivament mill-pajjiż li jidher fuq il-mezz ta' identifikazzjoni, sakemm tkun aċċertata t-traċċabilità sħiħa tal-annimal bovin.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 911/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 911/2004 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

“2.   Il-karattri li jiffurmaw il-kodiċi ta' identifikazzjoni fuq iċ-ċomb tal-widnejn għandhom ikunu kif stabbilit fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 (*1).

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/949 tat-2 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-konfigurazzjoni tal-kodiċi ta' identifikazzjoni għall-annimali bovini u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 (ĠU L 143, 3.6.2017, p. 1).”"

(2)

L-Anness I jitħassar.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 653/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-annimali bovini u t-tikkettjar taċ-ċanga (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 33).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplementa r-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lametti tal-widnejn, tal-passaporti u tar-reġistri (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 65).


ANNESS

Il-kodiċi tal-pajjiżi kif imsemmi fl-Artikolu 2:

Stat Membru

Il-kodiċi alfa b'żewġ ittri

Kodiċi numerika bi tliet ċifri

Il-Belġju

BE

056

Il-Bulgarija

BG

100

Ir-Repubblika Ċeka

CZ

203

Id-Danimarka

DK

208

Il-Ġermanja

DE

276

L-Estonja

EE

233

L-Irlanda

IE

372

Il-Greċja

EL

300

Spanja

ES

724

Franza

FR

250

Il-Kroazja

HR

191

L-Italja

IT

380

Ċipru

CY

196

Il-Latvja

LV

428

Il-Litwanja

LT

440

Il-Lussemburgu

LU

442

L-Ungerija

HU

348

Malta

MT

470

In-Netherlands

NL

528

L-Awstrija

AT

040

Il-Polonja

PL

616

Il-Portugall

PT

620

Ir-Rumanija

RO

642

Is-Slovenja

SI

705

Is-Slovakkja

SK

703

Il-Finlandja

FI

246

L-Iżvezja

SE

752

Ir-Renju Unit

UK

826


3.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/950

tat-2 ta' Ġunju 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1068/2011 fir-rigward tal-kontenut minimu tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għal tiġieġ imrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet kollha ta' tjur imrobbija għall-bajd (id-detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

L-użu tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) ġie awtorizzat għal għaxar snin għal tiġieġ mrobbija għall-bajd, dundjani għal skopijiet ta' tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir, speċijiet minuri ta' tjur oħrajn (għajr il-papri għas-simna) u għasafar ornamentali permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1068/2011 (2).

(3)

F'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, id-detentur tal-awtorizzazzjoni ppropona li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjoni ta' dik il-preparazzjoni billi jitnaqqas il-kontenut minimu minn 560 TXU/kg għal 280 TXU/kg u minn 250 TGU/kg għal 125 TGU/kg tal-għalf komplet fir-rigward tal-użu għal tiġieġ imrobbija għall-bajd, u għall-ispeċijiet kollha ta' tjur imrobbija għall-bajd. Mal-applikazzjoni ntbagħtet ukoll id-dejta ta' appoġġ rilevanti. Il-Kummissjoni bagħtet dik l-applikazzjoni lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-20 ta' Ottubru 2016 (3), l-Awtorità kkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti l-ġodda, il-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) għandha l-potenzjal li tkun effikaċi għal tiġieġ mrobbija għall-bajd u għall-ispeċijiet kollha ta' tjur, fid-dożi minimi mitluba ta' 280TXU/kg u 125TGU/kg tal-għalf komplet. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għas-sorveljanza ta' wara t-tqegħid fis-suq. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1068/2011 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1068/2011 jiġi sostitwit bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1068/2011 tal-21 ta' Ottubru 2011 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni enżimatika ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) bħala addittiv fl-għalf għal tiġieġ imrobbija għall-bajd, dundjani għal skopijiet ta' tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir, speċijiet minuri ta' tjur oħrajn (għajr il-papri għas-simna) u għasafar ornamentali (detentur tal-awtorizzazzjoni BASF SE) (ĠU L 277, 22.10.2011, p. 11).

(3)  Il-Ġurnal tal-EFSA 2016; 14(11): 4626.


ANNESS

ANNESS

Numru ta' identifikazz-joni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjo-ni

Unitajiet ta' attività/kg tal-għalf komplet b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi żootekniċi. Grupp funzjonali: sustanzi li jtejbu d-diġestibilità

4a7

BASF SE

Endo-1,4-beta-ksilanażi

(KE 3.2.1.8)

Endo-1,4-beta-glukanażi

(KE 3.2.1.4)

Kompożizzjoni tal-addittiv

Preparazzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404) b'attività minima ta':

 

Forma solida:

5600 TXU (1) u 2500 TGU (2)/g

 

Forma likwida:

5 600 TXU u 2 500 TGU/g

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

endo-1,4-beta-ksilanażi prodotta minn Aspergillus niger (CBS 109.713) u endo-1,4-beta-glukanażi prodotta minn Aspergillus niger (DSM 18404)

Metodu analitiku  (3)

Għall-kwantifikazzjoni ta' attività endo-1,4-beta-ksilanażi:

il-metodu viskosimetriku bbażat fuq tnaqqis ta' viskożità prodott b'azzjoni ta' endo-1,4-beta-ksilanażi fuq is-substrat li fih il-ksilan (l-arabinoksilan tal-qamħ) b'pH 3,5 u 55 °C.

Għall-kwantifikazzjoni ta' attività endo-1,4-beta-glukanażi:

il-metodu viskosimetriku bbażat fuq tnaqqis ta' viskożità prodott b'azzjoni ta' endo-1,4-beta-glukanażi fuq is-substrat li fih il-glukan (il-betaglukan tax-xgħir) b'pH 3,5 u 40 °C.

Speċijiet minuri ta' tjur għas-simna (għajr il-papri għas-simna) u għasafar ornamentali

280 TXU

125 TXU

1.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà matul il-proċess tat-tisħin.

2.

Dożi rakkomandati għal kull kilogramma tal-għalf komplet:

speċijiet minuri ta' tjur għas-simna (għajr il-papri) u għasafar ornamentali: 280-840 TXU/125- 375 TGU;

tiġieġ imrobbija għall-bajd, u l-ispeċijiet minuri ta' tjur għall-bajd: 280-840 TXU/125- 375 TGU;

dundjani għal skopijiet ta' tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir: 560-840 TXU/250-375 TGU;

3.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi u miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji potenzjali li jirriżultaw mill-użu tiegħu. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kemm jista' jkun permezz ta' proċeduri u miżuri bħal dawn, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir ta' protezzjoni personali, inkluż protezzjoni għan-nifs u protezzjoni għall-ġilda.

11.11.2021

Tiġieġ imrobbija għall-bajd, u l-ispeċijiet minuri ta' tjur għall-bajd:

280 TXU

125 TXU

Dundjani għal skopijiet ta' tgħammir, dundjani mrobbija għat-tgħammir:

560 TXU

250 TXU


(1)  1 TXU huwa l-ammont ta' enżima li jillibera 5 mikromoli ta' zokkor riduċenti (ekwivalenti ta' ksilożju) mill-arabinoksilan tal-qamħ fil-minuta b'pH 3,5 u 55 °C.

(2)  1 TGU huwa l-ammont ta' enżimi li jillibera 1 mikromolu ta' zokkor riduċenti (ekwivalenti tal-glukożju) minn ß-glukan tax-xgħir fil-minuta b'pH 3,5 u 40 °C.

(3)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


DEĊIŻJONIJIET

3.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 143/9


DEĊIŻJONI (UE) 2017/951 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja — FEG/2016/008 FI/Nokia Network Systems

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem “FEG”) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3).

(3)

Fit-22 ta' Novembru 2016, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 26 (Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi) tal-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 fil-Finlandja. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-FEG jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 641 800 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja.

(5)

Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2017, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 641 800 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni għandha tapplika mis-17 ta' Mejju 2017.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).