ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 137

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
24 ta' Mejju 2017


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 ( 1 )

1

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi ( 1 )

22

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) ( ĠU L 95, 7.4.2017 )

40

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 ( ĠU L 171, 29.6.2016 )

41

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/1


REGOLAMENT (UE) 2017/852 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-merkurju huwa sustanza tossika ħafna li tirrappreżenta periklu globali u kbir għas-saħħa tal-bniedem, inkluż fil-forma ta' metilmerkurju fil-ħut u r-riżorsi tal-baħar, l-ekosistemi u l-organiżmi slavaġ. Minħabba l-għamla transfruntiera tat-tniġġis tal-merkurju, bejn 40 % u 80 % tad-depożitu totali tal-merkurju fl-Unjoni joriġina minn barra l-Unjoni. Għalhekk, jiġġustifika azzjoni f'livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.

(2)

Ħafna mill-emissjonijiet tal-merkurju u r-riskji ta' esponiment assoċjati jirriżultaw minn attivitajiet antropoġeniċi, bħall-estrazzjoni primarja u l-ipproċessar tal-merkurju, l-użu tal-merkurju fil-prodotti u l-proċessi industrijali, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira, l-kombustjoni tal-faħam u l-ġestjoni tal-iskart tal-merkurju.

(3)

Is-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali adottat bid-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-objettiv fit-tul ta' ambjent mhux tossiku u jistipula, għal dak il-għan, li hemm bżonn li tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li sal-2020 jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti avversi sinifikanti tas-sustanzi kimiċi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent

(4)

Il-Komunikazzjoni tat-28 ta' Jannar 2005 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitulata “L-Istrateġija Komunitarja dwar il-Merkurju”, kif riveduta fis-7 ta' Diċembru 2010 (“l-Istrateġija”), għandha l-għan li timminimizza u, fejn ikun vijabbli, finalment telimina r-rilaxxi antropoġeniċi globali tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art.

(5)

Fl-aħħar 10 snin sar progress sinifikanti fl-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-merkurju mindu ġew adottati l-Istrateġija u firxa sħiħa ta' miżuri li jikkonċernaw l-emissjonijiet, il-provvista, id-domanda u l-użu tal-merkurju, u l-ġestjoni tal-eċċess u tal-ħażniet tal-merkurju.

(6)

L-Istrateġija tirrakkomanda li jenħtieġ li n-negozjar u l-konklużjoni ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti tal-merkurju jkunu prijorità billi l-Unjoni waħedha ma tistax tiggarantixxi protezzjoni effettiva taċ-ċittadini tal-Unjoni kontra l-effetti negattivi tal-merkurju fuq is-saħħa.

(7)

L-Unjoni Ewropea (UE) u 26 Stat Membru ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju tal-2013 (“il-Konvenzjoni”). Iż-żewġ Stati Membri li ma ffirmawx il-Konvenzjoni, l-Estonja u l-Portugall, esprimew l-impenn tagħhom li jirratifikawha. Għalhekk, l-Unjoni u l-Istati Membri kollha tagħha ħadu impenn li jikkonkluduha, jittrasponuha u jimplimentawha.

(8)

Approvazzjoni rapida tal-Konvenzjoni mill-Unjoni u r-ratifika tagħha mill-Istati Membri tagħha tħeġġeġ lill-utenti u l-emittenti globali ewlenin tal-merkurju, li huma firmatarji għall-Konvenzjoni, sabiex jirratifikawha u jimplimentawha.

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkomplimenta l-acquis tal-Unjoni u jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-acquis tal-Unjoni mal-Konvenzjoni sabiex, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu jistgħu rispettivament japprovaw jew jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni.

(10)

Azzjoni ulterjuri mwettqa mill-Unjoni, li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni, tista' twitti t-triq, bħal fil-każ tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għal prodotti u proċessi ħielsa mill-merkurju.

(11)

B'konformità mal-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), dan ir-Regolament ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar strinġenti, dment li tali miżuri jkunu kompatibbli mat-Trattati u l-Kummissjoni tkun ġiet notifikata b'dan.

(12)

Jenħtieġ li l-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-merkurju stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 tkun ikkomplementata b'restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-merkurju li jvarja skont is-sors, l-użu intiż u l-post ta' oriġini tal-merkurju. Jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jibqa' japplika fir-rigward tal-importazzjonijiet ta' skart tal-merkurju, b'mod partikolari fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti taħt dak ir-Regolament.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament dwar l-importazzjoni tal-merkurju u ta' taħlitiet tal-merkurju huma mmirati lejn l-iżgurar tat-twettiq tal-obbligi tal-Konvenzjoni li jikkonċernaw il-kummerċ ta' merkurju mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

(14)

Jenħtieġ li l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta' firxa ta' prodotti miżjudin bil-merkurju li jirrappreżentaw sehem sinifikanti mill-użu tal-merkurju u komposti tal-merkurju fi ħdan l-Unjoni u f'livell globali jkunu pprojbiti.

(15)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-acquis applikabbli tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti iktar stretti għall-prodotti miżjudin bil-merkurju, inkluż fir-rigward tat-termini tal-kontenut massimu ta' merkurju.

(16)

Jenħtieġ li i-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura jiġu eliminati gradwalment u, għal dak il-għan, għandhom jingħataw inċentivi għar-riċerka dwar sustanzi alternattivi għall-merkurju b'karatteristiċi li jkunu innokwi jew, fi kwalunkwe każ, inqas perikolużi għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jipprojbixxi, mill-10 ta' Ottubru 2017, il-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħames komposti tal-fenilmerkurju magħrufa li jintużaw, speċjalment bħala katalisti, fil-produzzjoni tal-poliuretan. L-użu ta' katalisti li fihom il-merkurju fil-produzzjoni tal-poliuretan għandu jkun ipprojbit ukoll mill-1 ta' Jannar 2018.

(18)

Jenħtieġ li l-produzzjoni ta' alkoħolati li tinvolvi l-użu tal-merkurju bħala elettrodu tiġi eliminata gradwalment u jenħtieġ li tali proċessi tal-manifattura jiġu sostitwiti mill-aktar fis possibbli minn proċessi tal-manifattura fattibbli mingħajr merkurju għandha sseħħ. Fin-nuqqas ta' proċessi tal-manifattura rilevanti disponibbli mingħajr merkurju, għandhom jiġu stipulati l-kundizzjonijiet operatorji għall-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju li jinvolvu l-użu tal-merkurju. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas l-użu tal-merkurju sabiex jiġi eliminat gradwalment l-użu tiegħu f'tali produzzjoni malajr kemm jista' jkun possibbli u f'kwalunkwe avveniment qabel l-1 ta' Jannar 2028.

(19)

Il-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju u l-użu ta' proċessi ġodda tal-manifattura li jinvolvu l-użu tal-merkurju jew ta' komponenti tal-merkurju jżidu l-użu tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju, u l-emissjonijiet tal-merkurju fl-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li tali attivitajiet ġodda ikunu pprojbiti sakemm valutazzjoni ma turix li l-prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju jew proċessi tal-manifattura ġodda jipprovdu benefiċċji sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa u ma jikkostitwixxu l-ebda riskju sinifikanti la għall-ambjent u lanqas għas-saħħa tal-bniedem, u li ma hemm ebda alternattiva teknikament prattikabbli bla merkurju għad-dispożizzjoni u li tipprovdi t-tali benefiċċji.

(20)

L-użu tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira jirrappreżenta sehem sinifikanti mill-użu u mill-emissjonijiet tal-merkurju madwar id-dinja b'effetti negattivi kemm għall-komunitajiet lokali u kemm fuq livell globali. Jenħtieġ għalhekk, li tali użu tal-merkurju u komposti tal- merkurju jiġi pprojbit taħt dan ir-Regolament u regolat fil-livell internazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-projbizzjoni ta' tali użu u flimkien mal-implimentazzjoni ta' penali effettivi, proporzjonati u dissważivi min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward ta' ksur ta' dan ir-Regolament, huwa xieraq ukoll li jiġi previst pjan nazzjonali f'każ tal- aktar minn każijiet iżolati ta' nuqqas ta' konformità ma' dik l-projbizzjoni, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira li fiha tkun intużat l-amalgamazzjoni tal-merkurju biex jiġi estratt id-deheb mill-minerali.

(21)

L-użu tal-merkurju f'amalgama dentali tikkostitwixxi l-akbar użu ta' merkurju fl-Unjoni u sors sinifikanti ta' tniġġis. Jenħtieġ għalhekk li l-użu tal-amalgama dentali jiġi eliminat gradwalment f'konformità mal-Konvenzjoni u mal-pjanijiet nazzjonali bbażati, b'mod partikolari, fuq il-miżuri elenkati fil-Parti II tal-Anness A għall-Konvenzjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta dwar il-fattibbiltà li l-użu tal-amalgama dentali fuq tul ta' żmien jiġi eliminat gradwalment, u preferibbilment sal-2030, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet nazzjonali meħtieġa minn dan ir-Regolament u filwaqt li tiġi rispettata b'mod sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u kura medika. Barra minn hekk, jenħtieġ li jittieħdu ċerti miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa preventiva għall-membri vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħat-tfal u n-nisa tqal jew li qed ireddgħu.

(22)

Jenħtieġ li jiġi permess biss l-użu tal-amalgama dentali f'forma inkapsulata ddożata minn qabel, u jenħtieġ li l-użu tas-separaturi tal-amalgama f'faċilitajiet dentali fejn tintuża l-amalgama dentali jew jitneħħew il-mili ta' amalgama dentali jew snien li jkun fihom tali mili, isiru obbligatorji, sabiex il-prattikanti fil-qasam dentali u l-pazjenti jkunu protetti kontra l-esponiment għall-merkurju u biex jiġi żgurat li l-iskart tal-merkurju li jirriżulta jinġabar u jintrema f'konformità mal-ġestjoni korretta tal-iskart u taħt l-ebda ċirkustanza rilaxxat fl-ambjent. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-użu tal-merkurju f'forma sfuża min-naħa tal-prattikanti fil-qasam dentali jkun ipprojbit. Kapsuli tal-amalgama bħal dawk deskritti fl-istandards Ewropej EN ISO 13897:2004 u EN ISO 24234:2015 huma meqjusa li huma tajbin għall-użu mill-prattikanti fil-qasam dentali. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi stabbilit livell ta' effiċjenza ta' żamma minima għas-separaturi tal-amalgama. Jenħtieġ li l-konformità tas-separaturi tal-amalgama tkun ibbażata fuq standards rilevanti, bħall-istandard Ewropew EN ISO 11143:2008. Minħabba d-daqs tal-operaturi ekonomiċi fis-settur tad-dentistrija affettwati mill-introduzzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti, huwa xieraq li jingħata biżżejjed żmien għall-addattament għar-rekwiżiti l-ġodda.

(23)

It-taħriġ tal-istudenti tad-dentistrija u tal-prattikanti fil-qasam dentali dwar l-użu ta' alternattivi mingħajr merkurju, b'mod partikolari għal membri vulnerabbli tal-popolazzjoni bħal tfal u nisa tqal jew li qed ireddgħu,kif ukoll it-twettiq ta' riċerka u innovazzjoni dwar is-saħħa orali sabiex jittejjeb l-għarfien ta' materjali eżistenti u tekniki ta' tiswija, u sabiex jiġu żviluppati materjali ġodda, jistgħu jgħinu biex jitnaqqas l-użu tal-merkurju.

(24)

Sa tmiem l-2017 ikunu ġew iġġenerati aktar minn 6 000 tunnellata metrika skart tal-merkurju likwidu fl-Unjoni, l-aktar bħala riżultat tad-dekummissjonar obbligatorju taċ-ċelloli tal-merkurju fl-industrija tal-chlor-alkali skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/732/UE (7). Minħabba l-kapaċità limitata disponibbli biex issir il-konverżjoni tal-iskart tal-merkurju likwidu, jenħtieġ li l-ħżin temporanju ta' merkurju likwidu tal-iskart jibqa' jkun awtorizzat skont dan ir-Regolament għal perijodu ta' żmien twil biżżejjed biex tiġi żgurata l-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni ta' tali skart prodott kollu. Jenħtieġ li tali ħżin jitwettaq f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE (8).

(25)

Minħabba li l-merkurju huwa sustanza estremament perikoluża fil-forma likwida tiegħu, jenħtieġ li l-ħżin permanenti mingħajr trattament minn qabel tal-iskart tal-merkurju jiġi pprojbit minħabba r-riskji li dan ir-rimi joħloq.. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-iskart tal-merkurju jgħaddi minn konverżjoni adatta, u jekk applikabbli, minn operazzjonijiet ta' solidifikazzjoni qabel ma jinħażen b'mod permanenti. Għal dak il-għan, u sabiex jitnaqqsu r-riskji assoċjati, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kont tal-linji gwida tekniċi dwar il-merkurju tal-Konvenzjoni ta' Basel dwar il-Kontroll ta' Movimenti Transkonfinali ta' Skart Perikoluż u r-Rimi tiegħu.

(26)

Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart ta' dan ir-Regolament, jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiġi żgurata sistema ta' traċċabbiltà effikaċi mat-tul kollu tal-katina tal-immaniġġjar tal-iskart tal-merkurju li permezz tagħha l-produtturi tal-iskart tal-merkurju u l-operaturi ta' faċilitajiet ta' ġestjoni tal-iskart li jaħżnu u jittrattaw tali skart huma meħtieġa jistabbilixxu reġistru ta' informazzjoni, bħala parti miż-żamma ta' rekords meħtieġa taħt id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(27)

Il-Konvenzjoni tirrikjedi li l-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw strateġiji xierqa għall-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tas-siti kkontaminati bil-merkurju jew b'komposti tal-merkurju. Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tesiġi li l-operaturi ta' installazzjonijiet industrijali jindirizzaw il-kontaminazzjoni tal-ħamrija. Barra minn hekk, id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) tesiġi li l-Istati Membri jindirizzaw il-kontaminazzjoni tal-ħamrija fejn dan jaffettwa b'mod negattiv l-istat ta' korp tal-ilma. Jenħtieġ għalhekk, li jkun hemm skambju ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex dawn jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-inizjattivi u l-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali.

(28)

Sabiex jiġi rifless il-fehim xjentifiku attwali tar-riskji maħluqa mill-metilmerkurju, jenħtieġ li l-Kummissjoni, meta twettaq ir-rieżami ta' dan ir-Regolament,tevalwa l-konsum attwali abbażi tas-saħħa u tistabbilixxi parametri referenzjarji ġodda mil-lat ta' saħħa fir-rigward tal-merkurju.

(29)

Sabiex il-leġislazzjoni tal-Unjoni tiġi allinjata mad-deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni appoġġjata mill-Unjoni permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 fir-rigward tal-emendar tal-annessi għal dan ir-Regolament u fir-rigward l-estensjoni għall-perijodu permess għall-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija, ukoll fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (12). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(30)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-ispeċifikar ta' formoli għal importazzjoni u esportazzjoni, l-istipular ta' rekwiżiti tekniċi għal ħżin temporanju ambjentalment korrett tal-merkurju, komponenti tal-merkurju u taħlitiet tal-merkurju, fir-rigward tal-projbizzjoni jew l-awtorizzazjoni ta' prodotti miżjudin bil-merkurju ġodda u l-proċessi tal-manifattura li jinvolvu l-użu ta' merkurju jew ta' komposti tal-merkurju u fir-rigward tal-ispeċifikar tal-obbligi tar-rapportar, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(31)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u jenħtieġ li jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Jenħtieġ li dawn il-penali jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(32)

Minħabba n-natura u l-firxa tal-modifiki li jridu jsiru fir-Regolament (KE) Nru 1102/2008, u sabiex jissaħħu ċ-ċertezza legali, iċ-ċarezza, it-trasparenza u s-simplifikazzjoni leġislattiva, dak ir-Regolament għandu jiġi mħassar.

(33)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-atturi ekonomiċi affettwati minn dan ir-Regolament jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw għar-reġim il-ġdid stabbilit minn dan ir-Regolament, dan għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

(34)

Minħabba li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' ħarsien tal-ambjent mill-emmissjonijiet antropoġeniċi u r-rilaxxi ta' merkurju u komposti tal-merkurju, permezz inter alia ta' projbizzjoni fuq l-esportazzjoni u l-importazzjoni tal-merkurju u tal-prodotti miżjudin bil-merkurju, restrizzjonijiet fuq l-użu tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura, fil-prodotti, fl-estrazzjoni tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira u l-ipproċessar u fl-amalgama dentali, u l-obbligi applikabbli għall-iskart tal-merkurju, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba n-natura transfruntiera tat-tniġġis tal-merkurju u n-natura tal-miżuri li jridu jittieħdu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu u l-ħżin ta' u l-kummerċ tal-merkurju, il-komposti tal-merkurju u t-taħlitiet tal-merkurju, u l-manifattura u l-użu ta' u l-kummerċ ta' prodotti miżjudin bil-merkurju, u l-ġestjoni tal-iskart tal-merkurju, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn emissjonijiet u r-rilaxxi antropoġeniċi tal-merkurju u l-komposti tal-merkurju.

Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu japplikaw rekwiżiti aktar stretti minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament, f'konformità mat-TFUE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“merkurju” tfisser merkurju metalliku (Hg, CAS RN 7439-97-6);

(2)

“kompost tal-merkurju” tfisser kwalunkwe sustanza li tikkonsisti f'atomi tal-merkurju u atomu wieħed jew aktar ta' elementi kimiċi oħrajn li jistgħu jiġu sseparati f'komponenti differenti permezz ta' reazzjonijiet kimiċi biss;

(3)

“taħlita” tfisser taħlita jew soluzzjoni komposta minn żewġ sustanzi jew aktar;

(4)

“prodott miżjud bil-merkurju” tfisser prodott jew komponent ta' prodott li fih merkurju jew kompost tal-merkurju li żdied b'mod intenzjonali;

(5)

“skart tal-merkurju” tfisser merkurju metalliku li jikkwalifika bħala skart kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(6)

“esportazzjoni” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

l-esportazzjoni permanenti jew temporanja ta' merkurju, komposti tal-merkurju, taħlitiet tal-merkurju u prodotti miżjudin bil-merkurju li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 28(2) TFUE;

(b)

l-esportazzjoni mill-ġdid ta' merkurju, komposti tal-merkurju, taħlitiet tal-merkurju u prodotti miżjudin bil-merkurju li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28(2) TFUE li jitqiegħdu taħt proċedura doganali li ma tkunx il-proċedura ta' tranżitu estern tal-Unjoni għal merkanzija li tkun għaddejja mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(7)

“importazzjoni” tfisser l-introduzzjoni fiżika fit-territorju doganali tal-Unjoni ta' merkurju, komposti tal-merkurju, taħlitiet tal-merkurju u prodotti miżjuda bil-merkurju li titqiegħed taħt proċedura doganali li ma tkunx il-proċedura ta' tranżitu estern tal-Unjoni għal merkanzija li tkun għaddejja mit-territorju doganali tal-Unjoni;

(8)

“rimi” tfisser rimi kif definit fil-punt (19) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(9)

“estrazzjoni primarja tal-merkurju” tfisser estrazzjoni fejn il-materjal prinċipali mfittex ikun il-merkurju;

(10)

“konverżjoni” tfisser it-trasformazzjoni kimika tal-istat fiżiku tal-merkurju minn stat likwidu għal sulfur tal-merkurju jew kompost kimiku komparabbli li jkun ugwalment jew aktar stabbli u solubbli b'mod ugwali jew inferjuri fl-ilma u li ma jippreżenta l-ebda periklu għall-ambjenti jew għas-saħħa aktar mis-sulfur tal-merkurju.

(11)

“tqegħid fis-suq” tfisser il-forniment lil parti terza jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħha, kemm bi ħlas u kemm mingħajr ħlas. L-importazzjoni għandha titqies bħala tqegħid fis-suq;

KAPITOLU II

IR-RESTRIZZJONIJIET FUQ IL-KUMMERĊ U L-MANIFATTURA LI JIKKONĊERNAW IL-MERKURJU, IL-KOMPOSTI TAL-MERKURJU, IT-TAĦLITIET TAL-MERKURJU U L-PRODOTTI MIŻJUDIN BIL-MERKURJU

Artikolu 3

Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni

1.   L-esportazzjoni tal-merkurju għandha tkun ipprojbita.

2.   L-esportazzjoni tal-komposti tal-merkurju tat-taħlitiet tal-merkurju elenkati fl-Anness I għandha tkun ipprojbita mid-dati stabbiliti fih.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2, l-esportazzjoni tal-komposti tal-merkurju elenkati fl-Anness I għal finijiet ta' riċerka fuq skala tal-laboratorju jew analiżi tal-laboratorju għandha tkun awtorizzata.

4.   L-esportazzjoni, għall-fini tal- irkupru ta' merkurju, ta' komposti tal-merkurju u ta' taħlitiet tal-merkurju li mhumiex suġġetti għall-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 2 għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni

1.   L-importazzjoni tal-merkurju u l-importazzjoni tat-taħlitiet tal-merkurju elenkati fl-Anness I, inkluż l-iskart tal-merkurju minn kwalunkwe waħda mis-sorsi kbar imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 11, għal użi oħrajn għajr ir-rimi bħala skart għandha tkun ipprojbita. Tali importazzjoni għar-rimi bħala skart għandha tkun awtorizzata biss fejn il-pajjiż esportatur ma jkollux aċċess għal kapaċità ta' konverżjoni disponibbli fit-territorju tiegħu stess.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11 u b'deroga mill-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-importazzjoni tal-merkurju u l-importazzjoni tat-taħlitiet tal-merkurju elenkati fl-Anness I għal użu awtorizzat fi Stat Membru għandha tkun awtorizzata meta l-Istat Membru importatur ikun ta l-kunsens bil-miktub tiegħu għal tali importazzjoni f'waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a)

il-pajjiż esportatur ikun Parti għall-Konvenzjoni u l-merkurju esportat ma jkunx ġej minn estrazzjoni primarja tal-merkurju, li hija pprojbita skont l-Artikolu 3(3) u (4) tal-Konvenzjoni; jew

(b)

il-pajjiż esportatur li ma jkunx Parti għall-Konvenzjoni jkun ipprovda ċertifikazzjoni li l-merkurju ma jkunx ġej minn estrazzjoni primarja tal-merkurju.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura nazzjonali adottata f'konformità mat-TFUE, l-użu awtorizzat skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandu jitqies bħala użu permess fi Stat Membru għall-finijiet ta' dan il-paragrafu.

2.   L-importazzjoni ta' taħlitiet tal-merkurju li ma jaqgħux taħt il-paragrafu 1, kif ukoll ta' komposti tal-merkurju, għall-fini ta' rkupru tal-merkurju, għandha tkun ipprojbita.

3.   L-importazzjoni tal-merkurju għall-użu fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira għandha tkun ipprojbita.

4.   Fejn l-importazzjoni ta' skart tal-merkurju tkun awtorizzata f'konformita' ma' dan l-Artikolu, ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 għandu jkompli japplika flimkien mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament..

Artikolu 5

L-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura ta' prodotti miżjudin bil-merkurju

1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti iktar stretti stabbiliti f'leġislazzjoni applikabbli oħra tal-Unjoni, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura fl-Unjoni tal-prodotti miżjudin bil-merkurju kif stipulat fl-Anness II għandhom ikunu pprojbiti mid-dati stipulati fih.

2.   Il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal kwalunkwe wieħed mil-prodotti li ġejjin miżjudin bil-merkurju:

(a)

prodotti li huma essenzjali għall-protezzjoni ċivili u għal użi militari;

(b)

prodotti għar-riċerka, għall-kalibrazzjoni tal-istrumentazzjoni, jew għall-użu bħala standard ta' referenza.

Artikolu 6

Formoli għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, sabiex tispeċifika l-formoli li jridu jintużaw għall-fini ta' implimentazzjoni tal-Artikoli 3 u 4. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

KAPITOLU III

IR-RESTRIZZJONIJIET FUQ L-UŻU U L-ĦŻIN TAL-MERKURJU, TAL-KOMPOSTI TAL-MERKURJU U TAT-TAĦLITIET TAL-MERKURJU

Artikolu 7

Attivitajiet industrijali

1.   L-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fil-Parti I tal-Anness III għandu jkun ipprojbit mid-dati stipulati fiha.

2.   L-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura elenkati fil-Parti II tal-Anness III għandu jkun awtorizzat biss soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

3.   Il-ħżin temporanju tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju u t-taħlitiet tal-merkurju elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament għandu jsir b'mod ambjentalment korrett, skont il-limiti u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u fid-Direttiva 2010/75/UE.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-obbligu stipulat fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu r-rekwiżiti tekniċi għall-ħżin temporanju ambjentalment korrett tal-merkurju, tal-komposti tal-merkurju u tat-taħlitiet tal-merkurju skont id-deċiżjonijiet adottati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, sakemm l-Unjoni tkun appoġġat id-Deċiżjoni kkonċernata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata f'konformità mal-Artikolu 218(9) TFUE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju u proċessi tal-manifattura ġodda

1.   L-operaturi ekonomiċi ma għandhomx jimmanifatturaw jew iqiegħdu fis-suq prodotti miżjudin bil-merkurju li ma kinux qed jiġu manifatturati qabel l-1 ta' Jannar 2018 (“prodotti ġodda miżjudin bil-merkurju”) sakemm mhux awtorizzati permezz ta' deċiżjoni skont il-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu jew mhux permessi li jagħmlu dan skont id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal ebda minn dawn:

(a)

tagħmir li huwa meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Istati Membri, inklużi armi, munizzjon u materjal tal-gwerra maħsuba għal għanijiet speċifikament militari;

(b)

tagħmir iddisinjat biex jintbagħat fl-ispazju;

(c)

titjib tekniku magħmul għall-prodotti eżistenti miżjudin bil-merkurju li kienu ġew manufatturati qabel l-1 ta' Jannar 2018 jew it-tfassil mill-ġdid tagħhom sakemm dan it-titjib jew it-tfassil mill-ġdid ma jwassalx għal tnaqqis fil-merkurju li jkun qed jiġi wżat f'dawk il-prodotti.

2.   L-operaturi ekonomiċi ma għandhomx jużaw proċessi tal-manifattura li jinvolvu l-użu tal-merkurju jew ta' komposti tal-merkurju li ma kinux proċessi jintużaw qabel l-1 ta' Jannar 2018 (“proċessi tal-manifattura ġodda”) sakemm mhux awtorizzati permezz ta' deċiżjoni meħuda f'konformità mal-paragrafu 6.

L-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-proċessi tal-manifattura jew jużaw il-prodotti miżjudin bil-merkurju għajr dawk suġġetti għall-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1.

3.   Meta operatur ekonomiku jkun biħsiebu japplika għall-deċiżjoni skont il-paragrafu 6 sabiex jimmanifattura jew iqiegħed fis-suq prodott ġdid miżjud bil-merkurju, jew juża proċess tal-manifattura ġdid, li jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall- ambjent jew għas-saħħa u ma jippreżenta l-ebda riskju sinifikanti la għall-ambjent u lanqas għas-saħħa tal-bniedem, u ma jkun hemm l-ebda alternattiva mingħajr merkurju teknikament prattikabbli li tipprovdi dawn il-benefiċċji, dak l-operatur ekonomiku għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni teknika tal-prodott jew tal-proċess ikkonċernat;

(b)

valutazzjoni tar-riskji u l-benefiċċji tiegħu għas-saħħa u l-ambjent;

(c)

evidenza li turi n-nuqqas ta' alternattivi mingħajr merkurju li huma teknikament prattikabbli li jipprovdu benefiċċji sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa;

(d)

spjegazzjoni dettaljata tal-mod li bih il-proċess irid jiġi operat u l- prodottmanifatturat, użat, imħaddem u mormi bħala skart wara l-użu sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħaddi n-notifika li jkun irċieva mingħand l-operatur ekonomiku lill-Kummissjoni jekk jqis abbażi tal-valutazzjoni li jagħmel hu stess tal-informazzjoni pprovduta li l-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 jkunu ssodisfati.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bil-każijiet fejn ikun qies li l-kriterji msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6 li ma jkunux ġew issodisfati.

5.   Fejn l-Istat Membru jgħaddi notifika skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tqiegħed in-notifika għad-dispożizzjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 22(1) minnufih.

6.   Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika li tkun irċeviet u tivvaluta jekk tkunx ingħatat evidenza li l-prodott il-ġdid miżjud bil-merkurju jew il-proċess tal-manifattura ġdid jipprovdi benefiċċji sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa u ma jippreżenta l-ebda riskju sinifikanti la għall-ambjent u lanqas għas-saħħa tal-bniedem, u li ma hemm ebda alternattiva teknikament prattikabbli bla merkurju disponibbli u li tipprovdi t-tali benefiċċji.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri bl-eżitu tal-valutazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, sabiex tispeċifika jekk il-prodott rilevanti l-ġdid miżjud bil-merkurju jew il-proċess tal-manifattura rilevanti l-ġdid huwiex awtorizzat. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

7.   Sat-30 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod elettroniku inventarju tal-proċessi tal-manifattura li jinvolvu l-użu tal-merkurju jew ta' komposti tal-merkurju li kienu proċessi li ntużaw qabel l-1 ta' Jannar 2018 u tal-prodotti miżjudin bil-merkurju li kienu ġew manifatturati qabel l-1 ta' Jannar 2018 u ta' kwalunkwe restrizzjoni applikabbli mil-lat ta' kummerċjalizzazzjoni.

Artikolu 9

Estrazzjoni u pproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb

1.   L-estrazzjoni u l-ipproċessar artiġjanali u fuq skala żgħira tad-deheb fejn tintuża l-amalgamazzjoni tal-merkurju għall-estrazzjoni tad-deheb mill-minerali għandhom jiġu pprojbiti.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għall-Artikolu 16, meta jkun hemm evidenza ta' aktar minn każijiet iżolati ta' nonkonformità mal-projbizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiżviluppa u timplimenta pjan nazzjonali f'konformità mal-Anness IV

Artikolu 10

Amalgama dentali

1.   Mill-1 ta' Jannar 2019, l-amalgama dentali għandha tintuża biss f'forma inkapsulata ddożata minn qabel. L-użu tal-merkurju f'forma sfuża mill-prattikant dentali għandha tiġi pprojbita.

2.   Mill-1 ta' Lulju 2018, l-amalgama dentali ma għandhiex tintuża għat-trattament dentali ta' snien tal-ħalib, ta' tfal taħt il-15-il sena u ta' nisa tqal jew li qed ireddgħu, ħlief meta jitqies strettament meħtieġ mill-prattikant dentali abbażi tal-ħtiġijiet mediċi speċifiċi tal-pazjent.

3.   Sal-1 ta' Lulju 2019, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan nazzjonali li jikkonċerna l-miżuri li jkun biħsiebhu jimplimenta biex inaqqas gradwalment l-użu tal-amalgama dentali.

L-Istati Membri għandhom iqiegħdu l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b'mod elettroniku, u għandhom jibagħtuhom lill-Kummissjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

4.   Mill-1 ta' Jannar 2019, l-operaturi tal-faċilitajiet dentali fejn tintuża l-amalgama dentali jew fejn jitneħħa l-mili tal-amalgama dentali jew snien li jkun fihom dan it-tip ta' mili, għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet tagħhom ikunu mgħammrin b'separaturi tal-amalgama għaż-żamma u l-ġabra ta' partikuli tal-amalgama, inkluż dawk li jinsabu fl-ilma użat.

Tali operaturi għandhom jiżguraw li:

(a)

is-separaturi tal-amalgama mqiegħda fis-servizz mill-1 ta' Jannar 2018 għandhom jipprovdu livell ta' żamma ta' mill-inqas 95 % tal-partikuli tal-amalgama;

(b)

mill-1 ta' Jannar 2021, is-separaturi tal-amalgama kollha fl-użu għandhom jipprovdu l-livell ta' żamma speċifikat fil-punt (a).

Is-separaturi tal-amalgama għandhom jinżammu f'konformità mal-istruzzjonijiet tal-manifattur sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' żamma prattikabbli.

5.   Il-kapsuli u s-separaturi tal-amalgama li jikkonformaw mal-istandards Ewropej, jew ma' standards nazzjonali jew internazzjonali oħrajn li jipprovdi livell ekwivalenti ta' kwalità u ta' żamma, għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1 u 4.

6.   Il-prattikanti fil-qasam dentali għandhom jiżguraw li l-iskart tal-amalgama tagħhom, inklużi r-residwi tal-amalgama, il-partikuli u l-mili, u s-snien, jew partijiet minnhom, ikkontaminati mill-amalgama dentali, jiġu ttrattati u miġbura minn stabbiliment jew impriża tal-ġestjoni tal-iskart awtorizzat/a.

Il-prattikanti fil-qasam dentali ma għandhomx jirrilaxxaw direttament jew indirettament tali skart tal-amalgama fl-ambjent, tkun xi tkun iċ-ċirkustanza.

KAPITOLU IV

RIMI TAL-ISKART TAL-MERKURJU

Artikolu 11

Skart

Mingħajr preġudizzju għall-punt (5) tal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, il-merkurju u l-komposti tal-merkurju, sew f'forma pura u sew f'taħlitiet, minn kwalunkwe waħda mis-sorsi kbar li ġejjin għandhom jitqiesu li huma skart fit-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE u għandhom jintremew mingħajr ma tiġi pperikolata saħħet il-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, skont dik id-Direttiva:

(a)

l-industrija tal-kloroalkali;

(b)

it-tindif tal-gass naturali;

(c)

operazzjonijiet ta' estrazzjoni u tidwib ta' minerali mhux ferrużi;

(d)

estrazzjoni minn minerali taċ-ċinnabar fl-Unjoni.

Dan ir-rimi ma għandu jwassal għall-ebda forma ta' rkupru tal-merkurju.

Artikolu 12

Rapportar dwar sorsi kbar

1.   Sal-31 ta' Mejju ta' kull sena, l-operaturi ekonomiċi fis-setturi tal-industrija msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 11 għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati:

(a)

id-data dwar l-ammont totali ta' skart tal-merkurju maħżun f'kull installazzjoni;

(b)

id-data dwar l-ammont totali ta' skart tal-merkurju mibgħut f'faċilitajiet individwali li jwettqu l-ħżin temporanju, il-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni tal-iskart tal-merkurju jew il-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li għadda mill-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni;

(c)

il-post u d-dettalji ta' kuntatt ta' kull faċilità msemmija fil-punt (b);

(d)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju, f'konformità mal-Artikolu 14(1);

(e)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni tal-iskart tal-merkurju, f'konformità mal-Artikolu 14(2);

(f)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li jkun ġie konvertit u, jekk applikabbli, solidifikat, f'konformità mal-Artikolu 14(3).

2.   Id-data msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata bl-użu tal-kodiċijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

3.   L-obbligu stipulat fil-paragrafi 1 u 2 ma għandux jibqa' japplika għal operatur ekonomiku ta' installazzjonijiet tal-kloroalkali minn sena wara d-data li fiha jkunu ġew iddekummissjonati ċ-ċelloli tal-merkurju kollha mħaddma mill-operatur ekonomiku skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/732/UE u l-merkurju kollu jkun intbagħat f'faċilitajiet għall-ġestjoni tal-iskart.

Artikolu 13

Ħżin tal-iskart tal-merkurju

1.   B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 1999/31/KE, l-iskart tal-merkurju jista' jinħażen temporanjament f'forma likwida sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi għall-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju kif stabbilit fl-Annessi I, II u III ta' dik id-Direttiva u sakemm dan il-ħżin isir f'faċilitajiet fuq l-art iddedikati u mgħammrin għall-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju.

Id-deroga stabbilita fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tibqa' tapplika mill-1 ta' Jannar 2023.

2.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 sabiex temenda dan ir-Regolament billi testendi l-perijodu awtorizzat għall-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu b'massimu ta' tliet snin.

3.   Qabel ma jiġi mormi b'mod permanenti, l-iskart tal-merkurju għandu jiġi kkonvertit u, fejn intiżi li jintrema f'faċilitajiet fuq l-art, għandu jiġi kkonvertit u ssolidifikat.

L-iskart tal-merkurju li jkun ġie kkonvertit u, jekk applikabbli, issolidifikat għandu jiġi mormi b'mod permanenti fil-faċilitajiet ta' ħżin permanenti li ġejjin liċenzjati għar-rimi ta' skart perikoluż:

(a)

minjieri tal-melħ adattati għall-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li jkunu ġew konvertiti, jew f'formazzjonijiet fondi ta' blat iebes taħt l-art li jipprovdu livell ta' sikurezza u ta' żamma fil-magħluq ekwivalenti għal dak ta' dawn il-minjieri tal-melħ jew ogħla minnu; jew

(b)

faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għall-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li jkunu ġew ikkonvertiti u ssolidifikati u li jipprovdu livell ta' sikurezza u ta' żamma fil-magħluq ekwivalent għal dak tal-faċilitajiet imsemmija fil-punt (a) jew ogħla minnu.

L-operaturi tal-faċilitajiet ta' ħżin permanenti għandhom jiżguraw li l-iskart tal-merkurju li jkun ġie konvertit u, jekk applikabbli, solidifikat jitnħażen separatament minn skart ieħor u f'lottijiet għar-rimi f'kompartiment tal-ħżin li jkun issiġillat. Dawk l-operaturi għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 1999/31/KE, inklużi r-rekwiżiti speċifiċi għall-ħżin temporanju ta' skart tal-merkurju stabbiliti fit-tielet u fil-ħames inċiż tat-Taqsima 8 tal-Anness I u fl-Anness II ta' dik id-Direttiva, jkunu mħarsa fir-rigward tal-faċilitajiet ta' ħżin permanenti.

Artikolu 14

Traċċabbiltà

1.   L-operaturi ta' faċilitajiet li jwettqu l-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju għandhom jistabbilixxu reġistru li jkun jinkludi dan li ġej:

(a)

għal kull kunsinna ta' skart tal-merkurju li jirċievu:

(i)

l-oriġini u l-ammont ta' skart ta' dak il-merkurju;

(ii)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur u tas-sid ta' dak l-iskart;

(b)

għal kull kunsinna ta' skart tal-merkurju solidifikat li jitlaq mill-faċilità:

(i)

l-ammont ta' dak l-iskart u l-kontenut ta' merkurju tiegħu;

(ii)

id-destinazzjoni u l-operazzjoni ta' rimi ntiżi ta' dak l-iskart;

(iii)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni ta' dak l-iskart, kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(iv)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li jkun ġie konvertit u, jekk applikabbli, solidifikat, kif imsemmi fil-paragrafu 3;

(c)

l-ammont ta' skart tal-merkurju maħżun fil-faċilità fi tmiem kull xahar.

L-operaturi ta' faċilitajiet li jwettqu l-ħżin temporanju tal-iskart tal-merkurju għandhom, malli l-iskart tal-merkurju jinħareġ minn fejn ikun inħażen temporanjament, joħorġu ċertifikat li jikkonferma li l-iskart tal-merkurju jkun intbagħat f'faċilità li twettaq operazzjonijiet ta' rimi koperti minn dan l-Artikolu.

Ladarba jkun inħareġ iċ-ċertifikat kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, kopja tiegħu għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati msemmija fl-Artikolu 12.

2.   L-operaturi ta' faċilitajiet li jwettqu l-konverżjoni u, jekk applikabbli, is-solidifikazzjoni tal-iskart tal-merkurju għandhom jistabbilixxu reġistru li jkun jinkludi dan li ġej:

(a)

għal kull kunsinna ta' skart tal-merkurju li jirċievu:

(i)

l-oriġini u l-ammont ta' ta' dak l-iskart;

(ii)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-fornitur u tas-sid ta' dak l-iskart;

(b)

għal kull kunsinna ta' skart tal-merkurju li jkun ġie konvertit u, jekk applikabbli, solidifikat, li jitlaq mill-faċilità:

(i)

l-ammont ta' dak l-iskart, u l-kontenut ta' merkurju tiegħu;

(ii)

id-destinazzjoni u l-operazzjoni ta' rimi ntiżi għal dak l-iskart;

(iii)

kopja taċ-ċertifikat ipprovvdut mill-operatur tal-faċilità li jwettaq il-ħżin permanenti ta' dak l-iskart kif imsemmi fil-paragrafu 3;

(c)

l-ammont ta' skart tal-merkurju maħżun fil-faċillità fi tmiem kull xahar.

L-operaturi ta' faċilitajiet li jikkonvertu u, jekk applikabbli, jissolidifikaw l-iskart tal-merkurju għandhom, hekk kif titlesta l-operazzjoni ta' konverżjoni jew, jekk applikabbli, ta' solidifikazzjoni tal-iskart tal-merkurju, joħorġu ċertifikat li jikkonferma li l-kunsinna kollha tal-iskart tal-merkurju tkun ġiet konvertita u, jekk applikabbli, solidifikata.

Ladarba jkun inħareġ iċ-ċertifikat kif imsemmi fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, kopja tiegħu għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-operaturi tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati msemmija fl-Artikolu 12.

3.   Malli titlesta l-operazzjoni ta' rimi tal-kunsinna kollha, l-operaturi tal-faċilitajiet li jwettqu l-ħżin permanenti tal-iskart tal-merkurju li jkun ġie konvertit u, jekk applikabbli, solidifikat, għandhom joħorġu ċertifikat li jikkonferma li l-kunsinna kollha ta' skart tal-merkurju li tkun ġiet konvertita u, jekk applikabbli, solidifikata, tkun tqiegħdet f'faċilità ta' ħżin permanenti f'konformità mad-Direttiva 1999/31/KE, u li jinkludi informazzjoni dwar il-post tal-ħżin.

Ladarba jkun inħareġ iċ-ċertifikat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, kopja tiegħu għandha tintbagħat mingħajr dewmien lill-operaturi tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi kkonċernati msemmija fl-Artikolu 12.

4.   Sal-31 ta' Jannar ta' kull sena, l-operaturi tal-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jibagħtu r-reġistru għas-sena kalendarja ta' qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom kull sena jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull reġistru mibgħut lilhom.

Artikolu 15

Siti kontaminati

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri dwar il-miżuri meħuda fil-livell nazzjonali biex jiġu identifikati u vvalutati s-siti kontaminati b'merkurju u komposti tal-merkurju u biex jiġu indirizzati r-riskji sinifikanti li tali kontaminazzjoni tista' tippreżenta għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

2.   Sal-1 ta' Jannar 2021, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b'mod elettroniku, l-informazzjoni miġbura skont il-paragrafu 1, inkluż inventarju ta' siti kontaminati b'merkurju u komposti tal-merkurju.

KAPITOLU V

PENALI, AWTORITAJIET KOMPETENTI U RAPPORTAR

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Sad-dati rispettivi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk ir-regoli u dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, b'kull emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 17

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-obbligi li joriġinaw minn dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Rapport

1.   Sal-1 ta' Jannar 2020 u f'intervalli xierqa minn hemm 'il quddiem, l-Istati Membri għandhom iħejju, jipprovdu lill-Kummissjoni u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b'mod elettroniku rapport b'li ġej:

(a)

informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(b)

informazzjoni meħtieġa għall-issodisfar mill-Unjoni tal-obbligu ta' rapportar tagħha skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni;

(c)

sommarju tal-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament;

(d)

informazzjoni rigward il-merkurju li jinsab fit-territorji tagħhom:

(i)

lista ta' siti fejn hemm ħażniet ta' aktar minn 50 tunnellata metrika ta' merkurju għajr skart tal-merkurju, kif ukoll l-ammont ta' merkurju f'kull sit;

(ii)

lista ta' siti fejn hemm akkumulati aktar minn 50 tunnellata metrika ta' merkurju, kif ukoll l-ammont ta' skart tal-merkurju f'kull sit; u

(e)

lista ta' sorsi li jissupplixxu aktar minn 10 tunnellati metriċi ta' merkurju kull sena, meta l-Istati Membri jkunu jafu b' tali sorsi.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħmlux disponibbli għall-pubbliku xi informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għal xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), soġġett għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta' dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet tar-rappurtar imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għodda elettronika għar-rappurtar.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-kwestjonarji xierqa biex tispeċifika l-kontenut, l-informazzjoni u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni meħtieġa sabiex tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll il-format u l-frekwenza tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1. Dawk il-kwestjonarji ma għandhomx jidduplikaw l-obbligi ta' rapportar tal-Partijiet tal-Konvenzjoni. L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22(2).

3.   L-Istati Membri għandhom, mingħajr dewmien, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-rapporti li jipprovdu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 19

Rieżami

1.   Sat-30 ta' Ġunju 2020, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-valutazzjoni tagħha dwar:

(a)

il-ħtieġa li l-Unjoni tirregola l-emissjonijiet ta' merkurju u komposti tal-merkurju mill-krematorji;

(b)

il-fattibbiltà li l-użu tal-amalgama dentali jiġi eliminat gradwalment fuq tul ta' żmien, u preferibbilment sal-2030, filwaqt li jitqiesu l-pjanijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 10(3) u filwaqt li tiġi rispettata b'mod sħiħ il-kompetenza tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u kura medika; u

(c)

il-benefiċċji ambjentali u l-fattibbiltà ta' allinjament ulterjuri tal-Anness II mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni li tirregola t-tqegħid fis-suq ta' prodotti miżjudin bil-merkurju.

2.   Sal-31 ta' Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u r-rieżami ta' dan ir-Regolament, fid-dawl, fost l-oħrajn, tal-evalwazzjoni dwar l-effikaċja mwettqa mill-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni u r-rapporti pprovduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva flimkien mar-rapporti tagħha msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

KAPITOLU VI

SETGĦAT DELEGATI U TA' IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 20

Emendar tal-Annessi

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 21 ta' dan ir-Regolament sabiex temenda l-Annessi I, II, III u IV tagħha biex tallinjahom mad-Deċiżjonijiet adottati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni f'konformità mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni, dment li l-Unjoni tkun sostniet id-deċiżjoni kkonċernata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 218(9) TFUE.

Artikolu 21

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall--kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 20 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mit-13 ta' Ġunju 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 20 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 22

Proċedura ta' kumitat

1.   Għall-adozzjoni tal-formoli għall-importazzjoni u l-esportazzjoni taħt l-Artikolu 6, ta' rekwiżiti tekniċi għall-ħżin temporanju ambjentalment korrett ta' merkurju, komposti tal-merkurju jew taħlitiet tal-merkurju taħt l-Artikolu 7(3), ta' deċiżjoni taħt l-Artikolu 8(6), u tal-kwestjonarji taħt l-Artikolu 18(2), il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fejn il-kumitat ma jagħti ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni, u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2018.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw flimkien mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness V.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2018.

Madankollu, il-punt (d) tal-Parti I tal-Anness III għandha tapplika mill-11 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 122.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017.

(3)  Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(4)  Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta' ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 75).

(5)  Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta' skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1).

(6)  Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/732/UE tad-9 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali għall-produzzjoni tal-chlor-alkali (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 34).

(8)  Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta' April 1999 dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma (ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1).

(9)  Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(10)  Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17).

(11)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(12)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(14)  Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar il-kontroll ta' perikli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

(15)  Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88).

(16)  Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart (ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1).

(17)  Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).


ANNESS I

Komposti tal-merkurju soġġetti għall-Artikolu 3(2) u (3) u għall-Artikolu 7(3) u taħlitiet tal-merkurju soġġetti għall-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(1) u għall-Artikolu 7(3)

Komposti tal-merkurju pprojbiti għall-esportazzjoni mill-1 ta' Jannar 2018:

Klorur tal-merkurju (I) (Hg2Cl2, CAS RN 10112-91-1)

Ossidu tal-merkurju (II) (HgO, CAS RN 21908-53-2)

Mineral taċ-ċinabru

Sulfur tal-merkurju (HgS, CAS RN 1344-48-5)

Komposti tal-merkurju pprojbiti għall-esportazzjoni mill-1 ta' Jannar 2020:

Sulfat tal-merkurju (II) (HgSO4, CAS RN 7783-35-9)

Nitrat tal-merkurju (II) (Hg(NO3)2, CAS RN 10045-94-0)

Taħlitiet tal-merkurju ipprojbiti għall-esportazzjoni u l-importazzjoni mill-1 ta' Jannar 2018:

Taħlitiet tal-merkurju ma' sustanzi oħra, inklużi ligi tal-merkurju, b'konċentrazzjoni ta' merkurju li tkun tal-anqas 95 % fil-piż.


ANNESS II

Prodotti miżjuda bil-merkurju msemmija fl-Artikolu 5

Parti A — Prodotti miżjuda bil-merkurju

Prodotti miżjuda bil-merkurju

Data li minnha l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-manifattura tal-prodotti miżjuda bil-merkurju huma pprojbiti

1.

Batteriji jew akkumulaturi li jkun fihom aktar minn 0,0005 % ta' merkurju fil-piż.

31.12.2020

2.

Swiċċijiet u rilejs, ħlief il-pontijiet għall-kejl b'akkuratezza għolja ħafna tal-kapaċitanza u t-telf u swiċċijiet u rilejs tal-frekwenza tar-radju bi frekwenza għolja għal strumenti ta' monitoraġġ u kontroll b'kontenut massimu ta' merkurju ta 20 mg għal kull pont, swiċċ jew rilej.

31.12.2020

3.

Bozoz fluworexxenti kompatti (CFLs) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali:

(a)

CFL.i ≤ 30 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż it-2,5 mg għal kull berner tal-bozza.

(b)

CFL.ni ≤ 30 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż it-3,5 mg għal kull berner tal-bozza.

31.12.2018

4.

Il-bozoz fluworexxenti lineari li ġejjin (LFLs) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali:

(a)

Fosforu bi tliet strixxi < 60 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż il-5 mg għal kull bozza;

(b)

Fosforu tal-alofosfat < 40 watts b'kontenut ta' merkurju li jaqbeż l-10 mg għal kull bozza.

31.12.2018

5.

Bozoz tal-merkurju (gass) taħt pressjoni għolja (HPMVs) għal skopijiet ta' tidwil ġenerali.

31.12.2018

6.

Dawn il-bozoz fluworexxenti b'katodu kiesaħ u l-bozoz fluworexxenti b'elettrodi esterni (CCFLs u EEFLs) li fihom il-merkurju miżjud, għal skrins elettroniċi:

(a)

ta' tul qasir (≤ 500 mm) b'kontenut ta' merkurju ogħla minn 3,5 mg għal kull bozza;

(b)

ta' tul medju (> 500 mm u ≤ 1 500  mm) b'kontenut ta' merkurju ogħla minn 5 mg għal kull bozza;

(c)

ta' tul twil (> 1 500  mm) b'kontenut ta' merkurju ogħla minn 13 mg għal kull bozza

31.12.2018

7.

Kożmetiċi bil-merkurju u bil-komposti tal-merkurju, ħlief dawk il-każijiet speċjali inklużi fl-annotazzjonijiet 16 u 17 tal-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

31.12.2020

8.

Pestiċidi, bijoċidi u antisettiċi topiċi.

31.12.2020

9.

L-istrumenti tal-kejl mhux elettroniċi li ġejjin:

(a)

barometri;

(b)

igrometri;

(c)

manometri;

(d)

termometri u applikazzjonijiet termometriċi mhux tal-elettriku oħrajn;

(e)

sfigmomanometri;

(f)

strain gauges biex jintużaw mal-pletismografi;

(g)

piknometri tal-merkurju;

(h)

strumenti tal-kejl tal-merkurju għad-determinazzjoni tal-punt tat-trattib.

Din l-annotazzjoni ma tkoprix l-istrumenti tal-kejl li ġejjin:

strumenti tal-kejl mhux elettroniċi installati f'tagħmir fuq skala kbira jew dawk użati għal kejl ta' preċiżjoni għolja, meta ma tkun disponibbli l-ebda alternattiva xierqa mingħajr merkurju;

strumenti tal-kejl li fit-3 ta' Ottubru 2007 kellhom aktar minn 50 sena;

strumenti tal-kejl li jridu jidhru f'wirjiet pubbliċi għal finijiet kulturali u storiċi.

31.12.2020

Parti B — Prodotti addizzjonali esklużi mil-lista fil-Parti A ta' dan l-Anness

Swiċċijiet u rilejs, bozoz fluworexxenti b'katodu kiesaħ u bozoz fluworexxenti b'elettrodi esterni (CCFLs u EEFLs) għal skrins elettroniċi u strumenti tal-kejl, meta jintużaw biex jieħdu post komponent ta' tagħmir akbar u dment li ma teżisti l-ebda alternattiva fattibbli mingħajr merkurju għal dak il-komponent, f'konformità mad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2011/65/UE.


(1)  Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(2)  Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar vetturi li m'għadhomx jintużaw (ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34).


ANNESS III

Rekwiżiti relatati mal-merkurju applikabbli għall-proċessi ta' manifattura msemmija fl-Artikolu 7(1) u (2)

Parti I:   L-użu pprojbit ta' merkurju jew komposti tal-merkurju, sew f'forma pura u sew f'taħlitiet, fil-proċessi tal-manifattura

(a)

mill-1 ta' Jannar 2018: proċessi tal-manifattura li fihom il-komposti tal-merkurju jintużaw bħala katalist;

(b)

b'deroga mill-punt (a), il-produzzjoni tal-monomer tal-klorur tal-vinil għandha tiġipprojbita mill-1 ta' Jannar 2022;

(c)

mill-1 ta' Jannar 2022: proċessi tal-manifattura li fihom l-merkurju jintuża bħala elettrodu;

(d)

b'deroga mill-punt (c), mill-11 ta' Diċembru 2017: produzzjoni tal-kloroalkali li fiha l-merkurju jintuża bħala elettrodu;

(e)

b'deroga mill-punt (c), il-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju għandha tiġi pprojbita mill-1 ta' Jannar 2028;

(f)

mill-1 ta' Jannar 2018: il-produzzjoni tal-poliuretan, sal-punt li ma tkunx diġà ristretta jew ipprojbita skont l-entrata 62 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Parti II:   Il-proċessi ta' manifattura soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-użu u r-rilaxx ta' merkurju u komposti tal-merkurju

Il-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju

Il-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju għandha ssir skont il-punt (e) tal-Parti I u soġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ebda użu ta' merkurju minn estrazzjoni primarja;

(b)

it-tnaqqis b'50 %, sal-2020, tar-rilaxx dirett u indirett tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fl-art, f'termini ta' produzzjoni għal kull unità, meta mqabbla mal-2010;

(c)

is-sostenn tar-riċerka u l-iżvilupp fir-rigward tal-proċessi ħielsa mill-merkurju; u

(d)

mit-13 ta' Ġunju 2017, il-kapaċità ta' installazzjonijiet li jużaw il-merkurju u l-komposti tal-merkurju għall-produzzjoni tal-metilat jew tal-etilat tas-sodju jew tal-potassju li kienu joperaw qabel dik id-data, ma għandhiex tiżdied u ma għandha tkun permessal-ebda installazzjoni ġdida.


ANNESS IV

Kontenut tal-pjan nazzjonali dwar l-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira msemmija fl-Artikolu 9

Il-pjan nazzjonali għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-objettivi nazzjonali u l-miri ta' tnaqqis biex jiġi eliminat l-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju;

(b)

azzjonijiet maħsuba biex jeliminaw:

(i)

amalgamazzjoni sħiħa tal-minerali;

(ii)

ħruq fil-miftuħ ta' amalgama jew amalgama pproċessata;

(iii)

ħruq ta' amalgama f'żoni residenzjali; u

(iv)

lissija ta' ċjanur f'sediment, minerali jew irmied tat-tlissija li magħhom ikun żdied il-merkurju mingħajr ma l-ewwel jitneħħa l-merkurju;

(c)

passi għall-iffaċilitar tal-formalizzazzjoni jew tar-regolamentazzjoni tas-settur tal-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali;

(d)

stimi bażiċi tal-kwantitajiet ta' merkurju użat u l-prattiki użati fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat;

(e)

strateġiji għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u tar-rilaxxi tal-merkurju, u tal-esponiment għalih, fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali, inklużi metodi mingħajr merkurju;

(f)

strateġiji għall-ġestjoni tal-kummerċ u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju kemm minn sorsi domestiċi kif ukoll minn sorsi barranin għall-użu fl-estrazzjoni u fl-ipproċessar tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali;

(g)

strateġiji għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati fl-implimentazzjoni u fl-iżvilupp kontinwu tal-pjan nazzjonali;

(h)

strateġija tas-saħħa pubblika dwar l-esponiment għall-merkurju ta' minaturi li jaħdmu fil-minjieri tad-deheb artiġjanali u fuq skala żgħira u l-komunitajiet tagħhom, li għandha tinkludi, inter alia, il-ġbir ta' data dwar is-saħħa, it-taħriġ għal ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u s-sensibilizzazzjoni permezz ta' faċilitajiet tas-saħħa;

(i)

strateġiji għall-prevenzjoni tal-esponiment ta' popolazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikolari t-tfal u n-nisa ta' età li jista' jkollhom it-tfal, speċjalment nisa tqal, għall-merkurju użat fl-estrazzjoni u l-ipproċessar tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali;

(j)

strateġiji għall-għoti ta' informazzjoni lill-minaturi li jaħdmu fil-minjieri tad-deheb fuq skala żgħira u artiġjanali u lill-komunitajiet milquta; u

(k)

skeda għall-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali.


ANNESS V

Tabella ta' korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008

Dan ir-Regolament

Artikolu 1(1)

Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 1(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 3(4)

Artikolu 2

Artikolu 11

Artikolu 3(1)(a)

Artikolu 13(3)(a)

Artikolu 3(1)(b)

Artikolu 13(1)

Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu u Artikolu 13(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(1)

Artikolu 13(1)

Artikolu 4(2)

Artikolu 13(1)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 6(1)(a)

Artikolu 6(1)(b)

Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 6(1)(c)

Artikolu 12(1)(b) u (c)

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 12(1)(a)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 12(1)(b) u (c)

Artikolu 6(3)

Artikolu 12(1)

Artikolu 6(4)

Artikolu 7

Artikolu 16

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 8(4)

Artikolu 8(5)

Artikolu 9


DIRETTIVI

24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/22


DIRETTIVA (UE) 2017/853 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' Mejju 2017

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE (3) stabbiliet miżura ta' akkumpanjament għas-suq intern. Ħolqot bilanċ bejn, minn naħa waħda, l-impenn li tiġi żgurata ċerta libertà ta' moviment għal xi armi tan-nar u komponenti essenzjali tagħhom fl-Unjoni, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li dik il-libertà tiġi kkontrollata b'garanziji ta' sigurtà, adatti għal dawk il-prodotti.

(2)

Ċerti aspetti mid-Direttiva 91/477/KEE jeħtieġ li jiġu mtejba aktar b'mod proporzjonat, biex jindirizzaw l-użu ħażin ta' armi tan-nar għal finijiet kriminali, u l-kunsiderazzjoni tal-atti terroristiċi li seħħew dan l-aħħar. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni sejħet fil-komunikazzjoni tagħha tat-28 ta' April 2015 dwar l-“Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà”, għar-reviżjoni ta' din id-Direttiva u għal approċċ komuni dwar id-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar bħala prevenzjoni kontra l-attivazzjoni mill-ġdid u l-użu tagħhom mill-kriminali.

(3)

Ladarba l-armi tan-nar jiġu akkwistati u jinżammu fil-pussess b'mod legali f'konformità mad-Direttiva 91/477/KEE, jenħtieġ li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr tal-armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall.

(4)

Għall-finijiet tad-Direttiva 91/477/KEE, jenħtieġ li d-definizzjoni ta' sensar tkopri kwalunkwe persuna naturali jew legali, inklużi soċjetajiet f'isem kollettiv, u t-terminu “provvista” jenħtieġ li jitqies li jinkludi self u lokazzjoni. Peress li s-sensara jipprovdu servizzi simili għal dawk ipprovduti min-negozjanti, jenħtieġ li dawn ukoll ikunu koperti mid-Direttiva 91/477/KEE fir-rigward ta' dawk l-obbligi ta' negozjanti li huma rilevanti għall-attivitajiet tas-sensara, sal-punt li dawn ikunu f'pożizzjoni li jwettqu dawk l-obbligi u sakemm dawn ma jitwettqux minn negozjant dwar l-istess tranżazzjoni sottostanti.

(5)

L-attivitajiet ta' negozjant jinkludu mhux biss il-manifattura iżda wkoll il-modifika jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon, bħat-tqassir ta' arma tan-nar sħiħa, li jwasslu għal bidla fil-kategorija jew is-sottokategorija tagħhom. Attivitajiet purament privati, mhux kummerċjali, bħal ikkargar bl-idejn u l-ikkargar mill-ġdid ta' munizzjon minn komponenti ta' munizzjon għal użu proprju jew modifiki tal-armi tan-nar jew komponenti essenzjali li jkunu proprjetà tal-persuna kkonċernata, bħal tibdil fiċ-ċipp jew verifika jew manutenzjoni li tindirizza t-tkagħbir bl-użu ta' komponenti essenzjali, jenħtieġ li ma jitqisux bħala attivitajiet li jitħalla jagħmel biss negozjant.

(6)

Sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali kollha u biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom, l-armi tan-nar kollha jew il-komponenti essenzjali tagħhom jenħtieġ li jiġu mmarkati b'mod ċar, permanenti u b'immarkar uniku u reġistrati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords tal-Istati Membri.

(7)

Ir-reġistri miżmuma fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords jenħtieġ li jinkludu l-informazzjoni kollha li tippermetti li arma tan-nar tiġi marbuta mas-sid tagħha u jenħtieġ li jirreġistraw l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, it-tip, il-marka, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tal-arma tan-nar jew kwalunkwe marka unika applikata fuq il-qafas jew ir-riċevitur tal-arma tan-nar. Komponenti essenzjali minbarra l-qafas jew ir-riċevitur jenħtieġ li jiġu rreġistrati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords taħt il-fajl relatat mal-arma tan-nar li jkunu se jiġu armati magħha.

(8)

Biex jiġi evitat li l-immarkar jitħassar faċilment u biex jiġi ċċarat fuq liema komponenti essenzjali jenħtieġ li jsir l-immarkar, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli tal-Unjoni komuni dwar l-immarkar. Dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw biss għal armi tan-nar jew komponenti essenzjali li huma manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018, meta jiġu introdotti fis-suq, filwaqt li l-armi tan-nar u partijiet manifatturati jew importati fl-Unjoni qabel dik id-data jenħtieġ li jibqgħu koperti minn dawn il-ħtiġiet ta' mmarkar u reġistrazzjoni skont id-Direttiva 91/477/KEE li huma applikabbli sa dik id-data.

(9)

Fid-dawl tan-natura perikoluża u d-durabbiltà tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, sabiex ikun żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jitraċċaw l-armi tan-nar u kompenenti essenzjali għall-fini ta' proċedimenti amministrattivi u kriminali u b'kont meħud tal-liġi proċedurali nazzjonali, jeħtieġ li rekords fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords jiġu miżmuma għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati. L-aċċess għal dawk ir-rekords u d-data personali kollha relatata jenħtieġ li jkun ristrett għall-awtoritajiet kompetenti u jenħtieġ li jkun permess biss sa 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati għall-finijiet tal-għoti jew l-irtirar ta' awtorizzazzjonijiet jew għall-proċeduri doganali inkluż il-possibbiltà ta' impożizzjoni ta' penali amministrattivi, u sa 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali kkonċernati fejn dak l-aċċess huwa meħtieġ għall-infurzar tad-dritt kriminali.

(10)

L-iskambju effiċjenti ta' informazzjoni bejn in-negozjanti u s-sensara, minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, min-naħa l-oħra, huwa importanti għall-operazzjoni effettiva tas-sistemi ta' arkivjar tar-rekords. In-negozjanti u s-sensara jenħtieġ għalhekk li jipprovdu informazzjoni mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetentinazzjonali. Sabiex dak jiġi ffaċilitat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistabbilixxu mezzi ta' konnessjoni elettronika aċċessibbli għan-negozjanti u s-sensara, li jistgħu jinkludu s-sottomissjoni tal-informazzjoni bil-posta elettronika jew direttament permezz ta' bażi ta' data jew reġistru ieħor.

(11)

Fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jkollhom sistema ta' monitoraġġ biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni għall-ġarr ta' armi tan-nar jiġu ssodisfatti għat-tul kollu tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeċiedu jekk il-valutazzjoni tkunx trid tinvolvi jew le test mediku jew psikoloġiku minn qabel.

(12)

Mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali li jindirizzaw ir-responsabbiltà professjonali, jenħtieġ li l-valutazzjoni ta' informazzjoni medika jew psikoloġika rilevanti ma tkunx preżunta li tassenja responsabbiltà lill-professjonist mediku jew persuni oħra li jipprovdu tali informazzjoni meta armi tan-nar li jkunu f'pussess f'konformità mad-Direttiva 91/477/KEE jiġu użati ħażin.

(13)

Jenħtieġ li l-armi tan-nar u l-munizzjon jinħażnu b'mod sikur meta ma jkunux taħt superviżjoni immedjata. Għajr jekk maħżuna f'kustodja sikura, armi tan-nar u munizzjon jenħtieġ li jinħażnu separatament minn xulxin. Meta l-arma tan-nar u l-munizzjon iridu jiġu mgħoddija lil trasportatur għat-trasport, jenħtieġ li dan it-trasportatur ikun responsabbli għas-superviżjoni u l-ħżin xierqa. Il-kriterji għall-ħżin kif suppost u t-trasport sikuri jenħtieġ li jiġu ddefiniti mal-liġi nazzjonali, waqt li jitqiesu l-għadd u l-kategorija tal-armi tan-nar u l-munizzjon ikkonċernati.

(14)

Id-Direttiva 91/477/KEE jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli tal-Istati Membri li jippermettu li tranżazzjonijiet leċiti li jinvolvu armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon jiġu organizzati permezz ta' ordnijiet bil-posta, bl-Internet jew kuntratti mill-bogħod fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), pereżempju permezz ta' katalgi ta' rkant online jew reklami kklassifikati, permezz tat-telefon jew permezz tal-posta elettronika. Madankollu, huwa essenzjali li l-identitajiet tal-partijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet u l-kapaċità legali tagħhom li jidħlu f'tali tranżazzjonijiet tkun tista' tiġi ċċekkjata u ċċekkjata tassew. Fir-rigward tax-xerrejja, għaldaqstant huwa xieraq li jiġi żgurat li l-identità tagħhom u, fejn rilevanti, il-fatt tal-awtorizzazzjoni tagħhom sabiex jakkwistaw arma tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikunu ċċekkjati permezz ta' negozjant jew sensar liċenzjati jew awtorizzati, jew minn awtorità pubblika jew minn rappreżentant ta' dik l-awtorità, mhux aktar tard mill-kunsinna.

(15)

Għall-armi l-aktar perikolużi, jenħtieġ li jiġu introdotti regoli aktar stretti fid-Direttiva 91/477/KEE sabiex jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, b'xi eċċezzjonijiet raġonevoli limitati u debitament motivati, ma jitħallewx jiġu akkwistati, fil-pussess ta' xi ħadd u lanqas ma jitħallew jiġu kkummerċjalizzati. Jekk dawk ir-regoli ma jiġux rispettati, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa,li jistgħu jinkludu anke l-konfiska ta' dawk l-armi tan-nar.

(16)

Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jawtorizzaw l-akkwist u pussess ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A fejn meħtieġ għal finijiet edukattivi, kulturali, inklużi ċ-ċinema u t-teatru, ta' riċerka jew storiċi. Il-persuni awtorizzati jistgħu jinkludu, inter alia, l-armiera, iċ-ċentri ta' ttestjar, il-manifatturi, l-esperti ċċertifikati, ix-xjenzati forensiċi u, f'ċerti każijiet, dawk involuti fir-reġistrazzjonijiet ċinematografiċi jew televiżivi. L-Istati Membri jenħtieġ ukoll jitħallew jawtorizzaw lil individwi jakkwistaw u jkunu fil-pussess ta' armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A għal finijiet ta' difiża nazzjonali, bħal fil-kuntest ta' taħriġ militari volontarju previst taħt il-liġi nazzjonali.

(17)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu li jagħtu awtorizzazzjonijiet lill-mużewijiet u l-kolletturi rikonoxxuti biex jakkwistaw u jżommu fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A meta jkun meħtieġ għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta' wirt storiku, sakemm tali mużewijiet u kolletturi juru, qabel jingħataw tali awtorizzazzjoni, li jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa biex jindirizzaw kwalunkwe riskju għas-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħżin xieraq. Kwalunkwe awtorizzazzjoni bħal din jenħtieġ li tqis u tirrifletti s-sitwazzjoni speċifika, inkluż in-natura tal-kollezzjoni u l-iskopijiet tagħha, u l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li teżisti sistema għall-monitoraġġ tal-kolletturi u l-kollezzjonijiet.

(18)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara ma jiġux miżmuma milli jimmaniġġaw armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikat fil-kategorija A f'każijiet fejn l-akkwist u l-pussess ta' tali armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon jiġi awtorizzat eċċezzjonalment, fejn l-immaniġġar tagħhom ikun meħtieġ għall-finijiet ta' diżattivazzjoni jew konverżjoni, jew meta dan l-akkwist u pussess jkun permess skont id-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva. Lanqas ma jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jiġu miżmuma milli jimmaniġġaw tali armi tan-nar, komponeneti essenzjali u munizzjon f'każijiet mhux koperti mid-Direttiva 91/477/KEE kif emendata minn din id-Direttiva, bħal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon li jenħtieġ li jiġu esportati barra mill-Unjoni jew armi li se jiġu akkwistati mill-forzi armati, mill-pulizija jew l-awtoritajiet pubbliċi.

(19)

Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwettqu kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża għall-akkwist ta' dawriet sħaħ ta' munizzjon jew ta' komponenti ta' kapsijiet attivi tal-munizzjon. Tranżazzjoni tista' titqies suspettuża meta, pereżempju, tinvolvi kwantitajiet insoliti previsti għall-użu privat, jekk ix-xerrej jidher mhux familjari mal-użu tal-munizzjon jew jekk ix-xerrej jinsisti li jħallas fi flus kontanti filwaqt li ma jkunx lest li jagħti prova tal-identità tiegħu jew tagħha. Jenħtieġ li n-negozjanti u s-sensara jkunu jistgħu jirrapportaw tali tranżazzjonijiet suspettużi lill-awtoritajiet kompetenti.

(20)

Ir-riskju li armi akustiċi u tipi oħra ta' armi tal-isparar in bjank jiġu konvertiti f'armi tan-nar proprja huwa għoli. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema ta' tali armi tan-nar konvertiti li jintużaw fit-twettieq ta' reati kriminali, partikolarment billi dawn jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-armi tal-allarm u tas-sinjal jiġu mmanifatturati b'tali mod li jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux jistgħu jiġu hekk ikkonvertiti.

(21)

Minħabba r-riskju għoli li jiġu attivati mill-ġdid l-armi tan-nar diżattivati b'mod mhux xieraq u biex tiżdied is-sigurtà fl-Unjoni kollha, tali armi tan-nar jenħtieġ li jkunu koperti mid-Direttiva 91/477/KEE. Jenħtieġ li tingħata definizzjoni ta' armi tan-nar diżattivati, li tirrifletti l-prinċipji ġenerali tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar kif previst mill-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE (5), li tittrasponi dak il-Protokoll fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni.

(22)

Armi tan-nar imfassla għal użu militari, bħall-AK47 u M16, u li huma mgħammra biex joperaw fuq il-bażi ta' nar selettiv, fejn jistgħu jiġu aġġustati manwalment bejn il-modi ta' sparar awtomatiku u semiawtomatiku, jenħtieġ li jiġu kklassifikati bħala armi tan-nar fil-kategorija A u għaldaqstant jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili.Jekk jiġu konvertiti f'armi tan-nar semiawtomatiċi, jenħtieġ li jiġu kklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A.

(23)

Xi armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jiġu kkonvertiti faċilment f'armi tan-nar awtomatiċi, u għalhekk huma ta' theddida għas-sigurtà. Anke fin-nuqqas ta' konverżjoni bħal din, ċerti armi tan-nar semiawtomatiċi jistgħu jkunu perikolużi ħafna meta l-kapaċità tagħhom, f'termini ta' għadd ta' tiri li jistgħu jieħdu, tkun għolja. Għalhekk, armi tan-nar semiawtomatiċi b'apparat tal-ikkargar fiss li jippermetti li jiġu sparati għadd kbir ta' tiri, kif ukoll armi tan-nar semiawtomatiċi flimkien ma' apparat tal-ikkargar li jinqala' b'kapaċità għolja, jenħtieġ li jiġu pprojbiti għal użu ċivili. Is-sempliċi possibbiltà li jitwaħħal apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż l-10 dawriet għal armi tan-nar twal u 20 dawra għal armi tan-nar qosra ma tiddeterminax il-klassifikazzjoni tal-arma tan-nar f'kategorija speċifika.

(24)

Mingħajr preġudizzju għat-tiġdid ta' awtorizzazzjonijiet skont id-Direttiva 91/477/KEE, armi tan-nar semiawtomatiċi li jużaw rimfire percussion, inklużi dawk b'kalibru ta' mhux aktar minn.22, jenħtieġ li ma jiġux ikklassifikati fil-kategorija A sakemm ma jkunux ġew konvertiti minn armi tan-nar awtomatiċi.

(25)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/477/KEE relatati mal-pass Ewropew tal-armi tan-nar bħala d-dokument ewlieni meħtieġ minn tiraturi għall-attivitajiet rispettivi tagħhom jenħtieġ li jittejbu billi tiġi inkluża fid-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha referenza għal armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw regoli aktar stretti.

(26)

Jenħtieġ li l-oġġetti, li għandhom dehra fiżika ta' arma tan-nar (“replika”), iżda li jiġu manifatturati b'tali mod li ma jistgħux jinbidlu biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli, ma jkunux koperti mid-Direttiva 91/477/KEE.

(27)

Fejn l-Istati Membri jkollhom liġijiet nazzjonali li jirregolaw armi antiki, dawn l-armi ma jkunux soġġetti għad-Direttiva 91/477/KEE. Madankollu, riproduzzjonijiet ta' armi antiki ma għandhomx l-istess importanza storika jew interess storiku marbuta magħhom u jistgħu jinbnew bl-użu ta' metodi moderni li jistgħu jtejbu d-durabbiltà u l-preċiżjoni tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li dawn ir-riproduzzjonijiet jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/477/KEE. Id-Direttiva 91/477/KEE ma tapplikax għal oġġetti oħra, bħal apparati airsoft, li ma jikkorrisponduxgħad-definizzjoni ta' arma tan-nar u ma humiex għaldaqstant regolati minn dik id-Direttiva.

(28)

Sabiex jitjieb l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, ikun ta' għajnuna kieku l-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-elementi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' sistema li tappoġġa dan l-iskambju tal-informazzjoni miżmuma fis-sistemi ta' arkivjar kompjuterizzati tar-rekords eżistenti fl-Istati Membri, inkluż il-fattibbiltà li kull Stat Membru jingħata l-opportunità li jaċċedi għal tali sistema. Dik is-sistema tista' tuża modulu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) speċifikament personalizzat għall-armi tan-nar. Tali skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jenħtieġ li jsir f'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F'każ li l-awtorità kompetenti teħtieġ aċċess għar-rekords kriminali ta' persuna li tkun qed tapplika għal awtorizzazzjoni biex takkwista jew tieħu l-pussess ta' arma tan-nar, dik l-awtorità jenħtieġ li tkun tista' tikseb din l-informazzjoni skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI (8). Jekk ikun xieraq, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tista' tiġi akkumpanjata bi proposta leġislattiva li tqis l-istrumenti eżistenti relatati mal-iskambju ta' informazzjoni.

(29)

Sabiex jiġi żgurat l-iskambju xieraq ta' informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi bejn l-Istati Membri dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferiment tal-armi tan-nar lejn Stat Membru ieħor u dwar rifjut milli jingħataw awtorizzazzjonijiet għall-akkwist jew għall-pussess ta' arma tan-nar, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet li jippermetti lill-Istati Membri joħolqu din is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016 (9). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat ta' gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(30)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw is-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(32)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li japplika għall-ipproċessar ta' data personali fil-qafas tad-Direttiva 91/477/KEE. Fejn id-data personali miġbura taħt id-Direttiva 91/477/KEE tiġi pproċessata għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, jenħtieġ li l-awtoritajiet li jipproċessaw dik id-data jikkonformaw mar-regoli adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(33)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(34)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 91/477/KEE tiġi emendata skont dan.

(35)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (12), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (13).

(36)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (14), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (15).

(37)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Direttiva u d-Direttiva 91/477/KEE jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-adeżjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (16), li jaqgħu fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (17),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 91/477/KEE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“arma tan-nar” tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista' tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista' tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minn dik id-definizzjoni minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-Taqsima III tal-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-Taqsima II tal-Anness I.

Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli jekk:

(a)

ikollu l-apparenza ta' arma tan-nar; u

(b)

bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista' jiġi faċilment konvertit hekk;

(2)

“komponent essenzjali” tfisser il-kanna, il-qafas, ir-riċevitur, inklużi r-riċevituri ta' fuq kif ukoll ta' taħt, fejn xieraq, is-slajd, iċ-ċilindru, il-firroll jew il-blokka tal-kulatta, li, billi huma oġġetti separati, huma inklużi fil-kategorija tal-armi tan-nar li jiġu mmuntati fuqhom jew huma maħsuba li jiġu mmuntati fuqhom;

(3)

“munizzjon” tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kaxxi tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli tal-propellant, il-balal jew il-projettili, li jintużaw f'arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat;

(4)

“armi tal-allarm u tas-sinjal” tfisser apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi li jisparaw tiri, u li ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli;

(5)

“armi akustiċi u tas-salut” tfisser l-armi tan-nar ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar in bjank, f'attivitajiet bħal spettakli teatrali, sessjonijiet fotografiċi, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u dawk televiżivi, rappreżentazzjonijiet teatrali ta' avvenimenti storiċi, parati, avvenimenti sportivi u taħriġ;

(6)

“armi tan-nar diżattivati” tfisser armi tan-nar li jkunu ġew diżattivati b'mod li jkunu saru għal kollox mhux utilizzabbli, u jkun ġie żgurat li l-komponenti essenzjali kollha tal-arma tan-nar inkwistjoni jkunu saru definittivament inoperabbli u impossibbli li jiġu maqlugħa, sostitwiti jew modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi riattivata bi kwalunkwe mod;

(7)

“mużew” tfisser istituzzjoni permanenti fis-servizz tas-soċjetà u tal-iżvilupp tagħha, miftuħa għall-pubbliku, li tikseb, tikkonserva, tirriċerka u teżibixxi armi tan-nar, komponenti essenzjali tagħhom jew munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi, għal skopijiet ta' wirt kulturali jew ta' rikreazzjoni, u rikonoxxuti bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(8)

“kollettur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika ddedikata għall-ġbir u l-konservazzjoni ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew tal-munizzjon għal finijiet storiċi, kulturali, xjentifiċi, tekniċi, edukattivi jew ta' wirt kulturali, u li jkun rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat;

(9)

“negozjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn waħda mis-segwenti:

(a)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-kiri, it-tiswija, il-modifika jew il-konverżjoni ta' armi tan-nar jew ta' komponenti essenzjali;

(b)

il-manifattura, il-kummerċ, l-iskambju, il-modifika jew il-konverżjoni ta' munizzjon;

(10)

“sensar” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief negozjant, li l-kummerċ jew in-negozju tagħha jikkonsisti kollu kemm hu jew parzjalment minn waħda mis-segwenti:

(a)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon;

(b)

l-arranġament tat-trasferiment ta' armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon fi Stat Membru, minn Stat Membru għal ieħor, minn Stat Membru għal pajjiż terz jew minn pajjiż terz għal Stat Membru;

(11)

“manifattura illegali” tfisser il-manifattura jew l-immuntar tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom u l-munizzjon tagħhom:

(a)

minn kwalunkwe parti essenzjali ta' tali armi tan-nar li jkunu ġew traffikati illegalment;

(b)

mingħajr awtorizzazzjoni, konformement mal-Artikolu 4 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih iseħħu l-manifattura jew l-immuntar; jew

(c)

mingħajr l-immarkar tal-armi tan-nar mmuntati waqt il-manifattura, konformement mal-Artikolu 4;

(12)

“traffikar illegali” tfisser l-akkwist, il-bejgħ, il-kunsinna, il-moviment jew it-trasferiment tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali tagħhom jew il-munizzjon minn jew b'passaġġ mit-territorju ta' Stat Membru wieħed lejn dak ta' Stat Membru ieħor, jekk wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati ma jawtorizzax li dan isir f'konformità ma' din id-Direttiva jew jekk l-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ma jkunux immarkati f'konformità mal-Artikolu 4;

(13)

“traċċar” tfisser l-ittraċċar sistematiku tal-armi tan-nar u, fejn possibbli, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon tagħhom mill-manifattur sax-xerrej bil-għan li tingħata għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jiskopru, jinvestigaw u janalizzaw il-manifattura illeċita u t-traffikar illegali.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, persuna għandha tkun ikkunsidrata residenti tal-pajjiż indikat fl-indirizz li jidher fuq dokument uffiċjali li juri l-post tar-residenza tagħha, bħalma hu passaport jew karta tal-identità nazzjonali, li meta jsir kontroll fuq l-akkwist jew il-pussess, jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jew lil negozjant jew sensar. Jekk indirizz ta' persuna ma jidhirx fuq il-passaport jew il-karta tal-identità nazzjonali tagħha, il-pajjiż ta' residenza tagħha għandu jiġi ddeterminat abbażi ta' kwalunkwe prova uffiċjali oħra ta' residenza rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat.

3.   Il-“Pass Ewropew tal-armi tan-nar” għandu jinħareġ fuq talba mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru lil persuna li b'mod legali tikseb pussess ta' arma tan-nar u tużaha. Għandu jkun validu għal perijodu massimu ta' ħames snin, li jista' jiġi estiż, u li għandu jkun fih l-informazzjoni stipulata fl-Anness II. M'għandux ikun trasferibbli u għandu jirreġistra l-arma tan-nar jew l-armi tan-nar fil-pussess tad-detentur tal-Pass użati minnu in konnessjoni miegħu. Irid dejjem ikun fil-pussess tal-persuna li tkun qed tuża l-arma tan-nar u kwalunkwe bidla fil-pussess jew fil-karatteristiċi tal-armi tan-nar, kif ukoll is-serq jew it-telf tagħhom, għandhom jiġu indikati fuq il-Pass.”;

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ġarr ta' armi, il-kaċċa jew l-isparar fuq bersall, bl-użu ta' armi akkwistati u fil-pussess b'mod legali f'konformità ma' din id-Direttiva.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-akkwist jew għall-pussess ta' armi jew ta' munizzjon, f'konformità mal-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-pulizija jew mill-awtoritajiet pubbliċi. Lanqas ma għandha tapplika għat-trasferimenti rregolati mid-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

(*1)  Id-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1).”;"

(3)

L-Artikolu 4, huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   Fir-rigward tal-armi tan-nar manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe arma tan-nar, jew kwalunkwe komponent essenzjali, li jkun ġie introdott fis-suq ikun ġie:

(a)

mogħti marka unika, li tkun ċara u permanenti, mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni fis-suq tiegħu, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni; u

(b)

irreġistrat f'konformità ma' din id-Direttiva mingħajr dewmien wara l-manifattura u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni fis-suq tiegħu, jew mingħajr dewmien wara l-importazzjoni fl-Unjoni.

2.   Il-marka unika msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tinkludi l-isem tal-manifattur jew il-marka kummerċjali, il-pajjiż jew il-post tal-manifattura, in-numru tas-serje u s-sena tal-manifattura, sakemm din ma tkunx diġà parti min-numru tas-serje, u l-mudell fejn fattibbli. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għaż-żieda tal-marka kummerċjali tal-manifattur. Meta komponent essenzjali jkun żgħir wisq biex jiġi mmarkat f'konformità ma' dan l-Artikolu, għandu tal-inqas jiġi mmarkat b'numru tas-serje jew kodiċi alfanumeriku jew diġitali.

Ir-rekwiżiti ta' mmarkar għal arma tan-nar jew komponenti essenzjali li huma ta' importanza storika partikolari għandhom jiġu determinati f'konformità mal-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull pakkett elementari ta' munizzjon sħiħ ikun immarkat b'tali mod li jindika l-isem tal-manifattur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta' munizzjon.

Għall-finijiet tal-paragrafu 1 u ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Marki tal-Prova fuq l-Armi Żgħar tal-1 ta' Lulju 1969.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-ħin tat-trasferiment ta' arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali tagħha mill-ħażniet governattivi għall-użu ċivili permanenti, l-immarkar uniku, kif previst fil-paragrafu 1, li jippermetti lill-Istati jidentifikaw faċilment l-entità tat-trasferiment.

2a.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

3.   Kull Stat Membru għandhom jistabbilixxu sistema għar-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara. Tali sistemi għandhom jinkludu mill-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni tan-negozjanti u tas-sensara li joperaw fit-territorji ta' dak l-Istat Membru;

(b)

il-liċenzjar jew l-awtorizzazzjoni tal-attivitajiet tan-negozjanti u tas-sensara fit-territorju ta' dak l-Istat Membru; u

(c)

verifika tal-integrità privata u professjonali u tal-kapaċitajiet rilevanti tan-negozjant jew tas-sensar ikkonċernat. Fil-każ ta' persuna ġuridika, il-verifika għandha ssir kemm fuq il-persuna ġuridika kif ukoll fuq il-persuna/i fiżika/ċili jkunu qegħdin imexxu l-impriża.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

“Dik is-sistema ta' arkivjar tar-rekords għandha tirreġistra l-informazzjoni kollha relatata mal-armi tan-nar li tkun meħtieġa għat-traċċar u l-identifikazzjoni ta' dawk l-armi tan-nar, inkluż:

(a)

it-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje ta' kull arma tan-nar u l-marka applikata mal-qafas jew mar-riċevitur tagħha bħala l-immarkar uniku skont il-paragrafu 1, li għandu jservi bħala l-identifikatur uniku ta' kull arma tan-nar;

(b)

in-numru tas-serje jew l-immarkar uniku applikat għall-komponenti essenzjali, meta dak ikun differenti mill-immarkar fuq il-qafas jew ir-riċevitur ta' kull arma tan-nar;

(c)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistaw jew li jkollhom fil-pussess tagħhom l-arma tan-nar, flimkien mad-data jew dati rilevanti; u

(d)

kwalunkwe konverżjoni jew modifika għal arma tan-nar li twassal għal bidla fil-kategorija jew fis-subkategorija tagħha, inklużi ċ-ċertifikati ta' diżattivazzjoni jew ta' qerda tagħha u d-data jew dati rilevanti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekord tal-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali, inkluża d-data personali relatata, jinżamm mill-awtoritajiet kompetenti fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-armi tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

Ir-rekords tal-armi tan-nar u komponenti essenzjali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u d-data personali relatata għandhom ikunu disponibbli għall-aċċess:

(a)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti jew irtirta' awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew 7 jew mill-awtoritajiet kompetenti għal proċedimenti doganali, għal perijodu ta' 10 snin wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni; u

(b)

mill-awtoritajiet kompetenti għall--prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, għal perijodu ta' 30 sena wara l-qerda tal-arma tan-nar jew tal-komponenti essenzjali inkwistjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali titħassar mis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords hekk kif jiskadu l-perijodi speċifikati fit-tieni u fit-tielet subparagrafi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn data personali speċifika tkun ġiet trasferita lil awtorità kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u jintużaw f'dak il-kuntest speċifiku, jew lil awtoritajiet kompetenti oħra għal skop kompatibbli previst mil-liġi nazzjonali. F'dawk il-każijiet, l-ipproċessar ta' tali data mill-awtoritajiet kompetenti għandha tiġi rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, f'konformità sħiħa mal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tad-data.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Matul il-perijodu ta' attività tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jintalbu jżommu reġistru li fih għandu jinżamm rekord ta' kull arma tan-nar u kull komponent essenzjali soġġetti għal din id-Direttiva li jaslu għandhom jew li ma jibqgħux għandhom, flimkien ma' partikolaritajiet li permezz tagħhom tkun tista' ssir l-identifikazzjoni tal-arma tan-nar jew tal-komponent essenzjali kkonċernat, b'mod partikolari t-tip, l-għamla, il-mudell, il-kalibru u n-numru tas-serje tagħhom u l-ismijiet u l-indirizzi tal-fornituri u tal-persuni li jakkwistahom.

Meta jieqfu mill-attivitajiet tagħhom, in-negozjanti u s-sensara għandhom jagħtu dak ir-reġistru lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords prevista fl-ewwel subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li negozjanti u sensara stabbiliti fit-territorju tagħhom jirrappurtaw tranżazzjonijiet li jinvolvu armi tan-nar jew komponenti essenzjali mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li n-negozjanti u s-sensara jkollhom konnessjoni elettronika ma' dawk l-awtoritajiet għal tali skopijiet ta' rappurtar u li s-sistemi ta' arkivjar tar-rekords huma aġġornati immedjatament malli jirċievu informazzjoni li tikkonċerna tali tranżazzjonijiet.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-armi tan-nar kollha jkunu jistgħu jiġu assoċjati mas-sidien tagħhom fi kwalunkwe ħin.”.

(4)

L-Artikolu 4a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4a

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar minn persuni li jkunu ngħataw liċenzja jew, fir-rigward ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C, li jkunu speċifikament awtorizzati li jakkwistaw u jkollhom pussess ta' tali armi tan-nar f'konformità mal-liġi nazzjonali.”;

(5)

L-Artikolu 4b jitħassar;

(6)

L-Artikoli 5 u 6 huma sostitwiti b'dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jippermettu l-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar biss minn persuni li għandhom raġuni tajba u li:

(a)

ikollhom mill-inqas 18-il sena, ħlief fil-każ tal-akkwist, sakemm mhux permezz ta' xiri, u l-pussess ta' armi tan-nar għall-kaċċa u għall-isparar fuq bersall, bil-kundizzjoni li f'dak il-każ il-persuni li jkunu għadhom m'għalqux it-18-il sena jkunu kisbu l-permess tal-ġenituri, jew ikollhom il-gwida tal-ġenituri jew il-gwida ta' adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa jew ikunu f'ċentru ta' taħriġ liċenzjat jew approvat xort'oħra, u l-ġenitur, jew adult li jkollu liċenzja valida tal-armi tan-nar jew tal-kaċċa, jassumi r-responsabbiltà għall-ħżin xieraq skont l-Artikolu 5a; u

(b)

aktarx ma jkunux ta' periklu għalihom infushom jew għal ħaddieħor, għall-ordni pubbliku jew għas-sikurezza pubblika; il-fatt li persuna tkun instabet ħatja ta' reat vjolenti intenzjonat għandu jitqies bħala indikattiv ta' tali periklu.

2.   L-Istati Membri għandu jkollhom sistema ta' monitoraġġ, li jistgħu jkunu qed joperaw fuq bażi kontinwa jew mhux kontinwa, biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni stabbiliti bil-liġi nazzjonali jiġu osservati matul il-perijodu ta' awtorizzazzjoni u, inter alia, informazzjoni medika u psikoloġika rilevanti tiġi vvalutata. L-arranġamenti speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti b'mod konformi mal-liġi nazzjonali.

Meta xi waħda mill-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni ma tibqax tiġi ssodisfata, l-Istati Membri għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni rispettiva.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu lill-persuni residenti fit-territorju tagħhom milli jkollhom pussess ta' arma tan-nar mixtrija fi Stat Membru ieħor sakemm l-akkwist tal-istess tip ta' arma tan-nar ma jkunx ipprojbit fit-territorju tagħhom stess.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni ta' akkwist u awtorizzazzjoni ta' pussess ta' arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija B għandha tiġi rtirata jekk il-persuna li tkun ingħatat dik l-awtorizzazzjoni tinstab li tkun fil-pussess ta' apparat għat-tagħbija, adattat biex jitwaħħal fuq armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire jew armi tan-nar b'ripetitur, li:

(a)

jistgħu jieħdu aktar minn 20 dawra; jew

(b)

f'każ ta' armi tan-nar twal, jistgħu jieħdu aktar minn 10 dawriet,

sakemm dik il-persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).

Artikolu 5a

Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju li persuni mhux awtorizzati jiksbu aċċess għall-armi tan-nar u għall-munizzjon, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar is-superviżjoni xierqa tal-armi tan-nar u l-munizzjon u regoli dwar il-ħżin xieraq tagħhom b'mod sigur. L-armi tan-nar u l-munizzjon tagħhom ma għandhomx ikunu faċilment aċċessibbli flimkien. Is-superviżjoni xierqa għandha tfisser li l-persuna li jkollha l-pussess legali tal-arma tan-nar jew il-munizzjon ikkonċernati jkollha kontroll fuqhom waqt it-trasport u l-użu tagħhom. Il-livell ta' skrutinju għal tali arranġamenti ta' ħżin xierqa għandu jirrifletti n-numru u l-kategorija tal-armi tan-nar u tal-munizzjon ikkonċernati.

Artikolu 5b

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet li jinvolvu l-akkwist u l-bejgħ tal-armi tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C permezz ta' kuntratti mill-bogħod kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), l-identità, u fejn meħtieġ, l-awtorizzazzjoni tax-xerrej li jkun qed jakkwista l-arma tan-nar, komponenti essenzjali jew munizzjon, jiġu ċċekkjati qabel jew sa mhux aktar tard minn meta jiġu kkonsenjati lil dik il-persuna, permezz ta':

(a)

negozjant jew sensar liċenzjati jew awtorizzati; jew

(b)

awtorità pubblika jew rappreżentant ta' dik l-awtorità.

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipprojbixxu l-akkwist u l-pussess tal-armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u l-munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A. Huma għandhom jiżguraw li dawk l-armi tan-nar, il-komponenti u l-munizzjon essenzjali miżmuma illegalment bi ksur ta' dik il-projbizzjoni jiġu kkonfiskati.

2.   Għall-protezzjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura kritika, it-trasport marittimu kummerċjali, konvojs ta' valur għoli u postijiet sensittivi, kif ukoll għal finijiet ta' difiża nazzjonali, ta' edukazzjoni, kultura, riċerka u finijiet storiċi u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jistgħu jagħtu f'każijiet individwali, eċċezzjonali u b'mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A fejn dan ma jmurx kontra s-sigurtà pubblika jew l-ordni pubbliku.

3.   L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jagħtu lill-kolletturi, f'każijiet speċjali individwali, eċċezzjonalment u b'mod debitament ġustifikat, awtorizzazzjonijiet għall-akkwist u l-pussess ta' armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A soġġetti għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà, inkluża d-dimostrazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ miżuri sabiex jindirizzaw kwalunkwe riskji għas-sigurtà pubblika jew għall-ordni pubbliku u li armi tan-nar u l-komponenti essenzjali jew il-munizzjon ikkonċernati jiġu maħżuna b'livell ta' sigurtà proporzjonat mar-riskji marbuta ma' aċċess mhux awtorizzat għal tali oġġetti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kolletturi awtorizzati skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jkunu jistgħu jiġu identifikati fis-sistemi ta' arkivjar tar-rekords imsemmija fl-Artikolu 4. Tali kolletturi awtorizzati għandhom ikunu obbligati jżommu reġistru tal-armi tan-nar kollha li jkunu fil-pussess tagħhom ikklassifikati fil-kategorija A, li għandu jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ xierqa fir-rigward ta' tali kolletturi awtorizzati, filwaqt li jqisu l-fatturi rilevanti kollha.

4.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lin-negozjanti jew lis-sensara, fil-kapaċitajiet professjonali rispettivi tagħhom, biex jakkwistaw, jimmanifatturaw, jiddiżattivaw, isewwu, ifornu, jittrasferixxu u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, il-komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

5.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil mużewijiet biex jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar, komponenti essenzjali u munizzjon ikklassifikati fil-kategorija A, soġġett għal kundizzjonijiet stretti dwar is-sigurtà.

6.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lil tiraturi fuq bersall jakkwistaw u jkollhom fil-pussess tagħhom armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6 jew 7 tal-kategorija A, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

valutazzjoni sodisfaċenti tal-informazzjoni rilevanti li toħroġ mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2);

(b)

għoti ta' provi li t-tiratur fuq bersall ikkonċernat qiegħed jipprattika jew jieħu sehem b'mod attiv f'kompetizzjonijiet tal-isparar rikonoxxuti minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment tal-Istat Membru kkonċernat jew minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment; u

(c)

għoti ta' ċertifikat minn organizzazzjoni tal-isport tal-isparar rikonoxxuta uffiċjalment li jikkonferma li:

(i)

it-tiratur fuq bersall huwa membru ta' klabb tal-isparar u, li ilu jipprattika l-isparar ta' bersall regolarment miegħu tal-inqas għal 12-il xahar, u

(ii)

l-arma tan-nar inkwistjoni hija meħtieġa għal dixxiplina tal-isparar rikonoxxuta minn federazzjoni tal-isport tal-isparar stabbilita internazzjonalment u rikonoxxuta uffiċjalment.

Fir-rigward ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 6 tal-kategorija A, l-Istati Membri li japplikaw sistema militari msejsa fuq lieva ġenerali u li matul dawn l-aħħar 50 sena kellhom fis-seħħ sistema ta' trasferiment ta' armi tan-nar lil persuni li jitilqu mill-armata wara li jaqdu d-dmirijiet militari tagħhom jistgħu jagħtu lil dawk il-persuni, bħala dilettanti tal-isparar, awtorizzazzjoni biex iżommu arma waħda tan-nar użata waqt il-perijodu militari obbligatorju. L-awtorità pubblika rilevanti għandha tittrasforma dawk l-armi tan-nar f'armi tan-nar semiawtomatiċi u għandha tivverifika perjodikament li l-persuni li jużaw dawn l-armi tan-nar ma jirrappreżentawx riskju lis-sigurtà pubblika. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu.

7.   Awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt dan l-Artikolu għandhom jiġu rieżaminati perjodikament f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin.”;

(*2)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64)."

(7)

L-Artikolu 7 huwa emendat b'dan li ġej:

(a)

fil-paragrafu 4, il-paragrafu li ġej huwa miżjud:

“Awtorizzazzjoni għall-pussess ta' arma tan-nar għandha tiġi rieżaminata perjodikament, f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin. Awtorizzazzjoni tista' tiġġedded jew tiġi mtawla jekk jibqgħu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tkun ingħatat l-istess awtorizzazzjoni.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta' arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it-13 ta' Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f'din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali armi tan-nar jiġu akkwistati minn persuni awtorizzati oħra mill-Istati Membri skont din id-Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

(*3)  Id-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 22).”;"

(8)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kemm-il darba Stat Membru jipprojbixxi jew jagħmel l-akkwist u l-pussess ta' arma tan-nar ikklassifikata fil-kategoriji B jew C fit-territorju tiegħu soġġetta għall-awtorizzazzjoni, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, li għandhom espressament jinkludu dikjarazzjoni f'dan is-sens f'kull pass Ewropew għall-armi tan-nar li huma joħorġu għal din l-arma tan-nar, skont l-Artikolu 12(2).”;

(9)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   L-arranġamenti għall-akkwist u l-pussess tal-munizzjon għandhom ikunu l-istess bħal dawk dwar il-pussess tal-armi tan-nar li għalihom ikun maħsub il-munizzjon.

L-akkwist ta' apparati għal armi tan-nar semiawtomatiċi centre-fire li jista' jkollhom aktar minn 20 dawra jew aktar minn 10 dawriet f'każ ta' armi tan-nar twal għandhom ikunu permessi biss għal l-persuni li jingħataw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 jew awtorizzazzjoni li tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).

2.   Negozjanti u sensara jistgħu jirrifjutaw li jikkonkludu kwalunkwe tranżazzjoni għall-akkwist ta' dawriet sħaħ ta' munizzjon, jew komponenti ta' munizzjon, li huma raġonevolment iqisu li hija suspettuża minħabba n-natura jew il-kobor tagħha, u għandhom jirrappurtaw kwalunkwe tentattiv ta' tranżazzjoni ta' din ix-xorta, lill-awtoritajiet kompetenti.”;

(10)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 10a

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali, ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala armi tan-nar apparati b'ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi tas-sinjali u li jkunu kapaċi li jiġi konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta' propellant kombustibbli.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-armi tal-allarm u tas-sinjal manifatturati jew importati fl-Unjoni fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018 sabiex jiġi żgurat li huma ma jkunux jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta' propellant kombustibbli. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2). Il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel att ta' implimentazzjoni bħal dan sal-14 ta' Settembru 2018.

Artikolu 10b

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu arranġamenti biex awtorità kompetenti tivverifika d-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar sabiex jiġi żgurat li l-modifiki li jkunu saru fuq l-arma tan-nar ikunu għamlu l-komponenti essenzjali kollha tagħha inoperabbli b'mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar b'xi mod tiġi attivata mill-ġdid. L-Istati Membri għandhom jipprevedu, fil-kuntest ta' dik il-verifika, il-ħruġ ta' ċertifikat u ta' rekord li jixhed li l-arma tan-nar tkun ġiet diżattivata u li tkun saret marka viżibbli b'mod ċar fuq l-arma tan-nar li tixhed dan.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu standards u tekniki tad-diżattivazzjoni biex tiżgura li l-komponenti kollha essenzjali ta' arma tan-nar ikunu inoperabbli b'mod permanenti u li ma jkunux jistgħu jinqalgħu, jinbidlu jew jiġu modifikati b'mod li jippermetti li l-arma tan-nar tiġi attivata mill-ġdid bi kwalunkwe mod. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m'għandhomx japplikaw għal armi tan-nar diżattivati qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni sakemm dawk l-armi tan-nar ma jkunux ġew trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotta fis-suq wara dik id-data.

4.   L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara t-13 ta' Ġunju 2017 l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni tagħhom applikati qabel it-8 ta' April 2016, u jiġġustifikaw ir-raġunijiet li minħabba fihom il-livell ta' sigurtà żgurata minn dawk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni huwa ekwivalenti għal dak żgurat mit-tekniki speċifiċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 (*4) kif applikabbli fit-8 ta' April 2016.

5.   Meta l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara n-notifika, tadotta atti ta' implimentazzjoni li jiddeċiedu jekk l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni hekk notifikati żgurawx li l-armi tan-nar ġew diżattivati b'livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniki tad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 kif applikabbli fit-8 ta' April 2016. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 13b(2).

6.   Sad-data tal-applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, kwalunkwe arma tan-nar diżattivata skont l-istandards u t-tekniki nazzjonali tad-diżattivazzjoni applikati qabel it-8 ta' April 2016 għandha, meta tiġi trasferita lejn Stat Membru ieħor jew titqiegħed fis-suq tosserva l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.   Armi tan-nar diżattivati qabel it-8 ta' April 2016 f'konformità mal-istandards u tekniki nazzjonali ta' diżattivazzjoni li nstabu li jiżguraw livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak żgurat mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għad-diżattivazzjoni tal-armi tan-nar stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403 kif applikabbli fit-8 ta' April 2016, għandhom jitqiesu bħala armi tan-nar diżattivati, inkluż meta jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew introdotti fis-suq wara d-data ta' applikazzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

(*4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2403 tal-15 ta' Diċembru 2015 li jistabbilixxi linji gwida komuni dwar l-istandards u t-tekniki tad-diżattivazzjoni sabiex ikun żgurat li l-armi tan-nar diżattivati jiġu inoperabbli irreversibilment (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 62).”;"

(11)

fit-titolu tal-Kapitolu 3, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(12)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, l-armi tan-nar jistgħu jiġu biss ittrasferiti minn Stat Membru għall-ieħor skont il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll fir-rigward tat-trasferimenti ta' armi tan-nar wara li dawn ikunu nbiegħu permezz ta' kuntratt mill-bogħod kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE.”;

(13)

L-Artikolu 12, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Minkejja l-paragrafu 1, kaċċaturi u rappreżentaturi teatrali ta' avvenimenti storiċi fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija C u tiraturi sportivi, fir-rigward tal-armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C u armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a), jistgħu, mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 11(2), ikunu fil-pussess ta' arma tan-nar waħda jew aktar waqt vjaġġ ġo żewġ Stati Membri jew aktar, bl-għan li jwettqu l-attivitajiet tagħhom, sakemm:

(a)

ikunu fil-pussess ta' pass Ewropew tal-armi tan-nar li jelenka tali arma tan-nar jew armi tan-nar; u

(b)

ikunu jistgħu jissostanzjaw ir-raġunijiet għall-vjaġġ tagħhom, b'mod partikolari billi jipproduċu stedina jew prova oħra tal-kaċċa jew tal-isparar fuq bersall jew tal-attivitajiet ta'rappreżentazzjoni teatrali ta' avvenimenti storiċi tagħhom fl-Istat Membru ta' destinazzjoni.”;

(b)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu din id-deroga ma għandhiex tapplika għal vjaġġi lejn Stat Membru li, skont l-Artikolu 8(3), jew jipprojbixxi l-akkwist u l-pussess tal-arma tan-nar in kwistjoni jew li jagħmilha soġġetta għal awtorizzazzjoni. F'dak il-każ għandha ssir dikjarazzjoni apposta fuq il-pass Ewropew tal-armi tan-nar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jirrifjutaw l-applikazzjoni ta' din id-deroga fil-każ ta' armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 6(6) jew li għalihom l-awtorizzazzjoni tkun ġiet ikkonfermata, imġedda jew imtawwla skont l-Artikolu 7(4a).”;

(14)

fl-Artikolu 13, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw permezz ta' mezzi elettroniċi informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-trasferimenti tal-armi tan-nar fi Stat Membru ieħor, u informazzjoni dwar l-awtorizzazzjonijiet irrifjutati kif ipprovdut fl-Artikoli 6 u 7 għal raġunijiet ta' sigurtà jew b'rabta mal-affidabbiltà tal-persuna kkonċernata.

5.   Il-Kummissjoni għandha tipprevedi sistema għall-iskambju ta' informazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 13a sabiex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-iskambju sistematiku ta' informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-ewwel minn dawn l-atti delegati sal-14 ta' Settembru 2018.”;

(15)

L-Artikolu 13a huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 13a

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 13(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mit-13 ta' Ġunju 2017.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 13(5) tista' tiġi revokata f'kull ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha twassal għat-tmiem tad-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 13(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(16)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13b

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*5).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(*5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

(17)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(18)

Artikolu 17 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 17

Sal-14 ta' Settembru 2020, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż kontroll tal-idoneità tad-dispożizzjonijiet tagħha, li, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti leġislattivi li jikkonċernaw b'mod partikolari l-kategoriji tal-armi tan-nar fl-Anness I u l-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tas-sistema għall-pass Ewropew tal-armi tan-nar, mal-immarkar u mal-impatti tat-teknoloġiji l-ġodda bħall-istampar 3D, l-użu tal-kodiċi QR u l-użu ta' identifikazzjoni bil-Frekwenza tar-Radju (RFID).”;

(19)

l-Anness I huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b'dan li ġej:

“Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-armi tan-nar huma kklasifikati fil-kategoriji li ġejjin:”;

(b)

il-punt A huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija mħassra;

(ii)

fil-kategorija A, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“6.

Armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f'armi tan-nar semiawtomatiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4a).

7.

Kwalunkwe arma tan-nar semiawtomatika centre-fire fost dawn li ġejjin:

(a)

armi tan-nar qosra li jippermettu l-isparar ta' aktar minn 21 dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż 20 dawra jkun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar li jiżżarma b'kapaċità li taqbeż 20 dawra jiddaħħal fiha;

(b)

armi tan-nar twal li jippermettu l-isparar ta' aktar minn 11-il dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

(i)

apparat tal-ikkargar b'kapaċità li taqbeż 10 dawriet ikun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

(ii)

apparat tal-ikkargar li jiżżarma b'kapaċità li taqbeż 10 dawriet tiddaħħal fiha.

8.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi (jiġifieri armi tan-nar li huma oriġinarjament maħsuba biex jiġu sparati minn fuq l-ispalla) li jistgħu jitqassru għal tul ta' inqas minn 60 cm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta' ċipp li tintlewa jew li tingħalaq jew permezz ta' ċipp li tista' titneħħa mingħajr l-użu ta' għodda.

9.

Kwalunkwe arma tan-nar f'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.”;

(iii)

kategorija B huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Kategorija B — Armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni

1.

Armi tan-nar qosra li jirrepetu.

2.

Armi tan-nar qosra b'tir wieħed b'centre-fire percussion.

3.

Armi tan-nar qosra b'tir wieħed b'rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom huwa ta' inqas minn 28 cm.

4.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom għandhom kapaċità ta' aktar minn tliet dawriet fil-każ ta' armi tan-nar b'rimfire u aktar minn tlieta iżda inqas minn tnax-il dawra fil-każ ta' armi tan-nar centrefire.

5.

Armi tan-nar qosra semiawtomatiċi minbarra dawk elenkati taħt il-punt 7(a) tal-kategorija A.

6.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi elenkati taħt il-punt 7(b) tal-kategorija A li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħhom flimkien ma għandhomx kapaċità ta' aktar minn tliet dawriet, fejn l-apparat tal-ikkargar jista' jitneħħa jew fejn ma jkunx żgur li l-arma ma tistax tiġi kkonvertita, b'għodda ordinarja, f'arma li l-apparat tal-ikkargar u ċ-chamber tagħha flimkien jistgħu jieħdu aktar minn tliet dawriet.

7.

Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semiawtomatiċi b'kanen lixxi li ma jaqbżux is-60 cm tul.

8.

Kwalunkwe arma tan-nar ikklassifikataf'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.

9.

Armi tan-nar semiawtomatiċi għall-użu ċivili li jixbħu lill-armi b'mekkaniżmi awtomatiċi barra dawk elenkati taħt il-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A.”;

(iv)

kategorija C hija sostitwita b'dan li ġej:

“Kategorija C — Armi tan-nar u armi soġġetti għal dikjarazzjoni

1.

Armi tan-nar twal li jirrepetu, barra dawk elenkati fil-punt 7 tal-kategorija B.

2.

Armi tan-nar twal b'kanen li jisparaw tir wieħed.

3.

Armi tan-nar twal semiawtomatiċi barra dawk elenkati fil-kategorija A jew B.

4.

Armi tan-nar b'tir wieħed b'rimfire percussion li t-tul kollu tagħhom ma jkunx inqas minn 28 cm.

5.

Kwalunkwe arma tan-nar f'din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f'arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f'arma tas-salut jew akustika.

6.

Armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija A jew B jew din il-kategorija li ġew diżattivati f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2403.

7.

Armi tan-nar twal b'tir wieħed u kanen lixxi introdotti fis-suq fi jew wara l-14 ta' Settembru 2018.”;

(v)

kategorija D hija mħassra;

(c)

il-punt B huwa mħassar.

(2)

Parti III hija sostitwita b'dan li ġej:

“III.

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, oġġetti li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta' “arma tan-nar” m'għandhomx jiġu inklużi f'dik id-definizzjoni jekk:

(a)

huma ddisinjati għall-allarm, biex jagħtu sinjali, għas-salvataġġ, għall-qtil tal-annimali jew is-sajd bil-ħarpun jew għal finijiet industrijali jew tekniċi sakemm jistgħu jintużaw biss għall-fini ddikjarata;

(b)

huma meqjusa bħala armi antiki meta dawn ma jaqgħux taħt il-kategoriji stabbiliti fil-Parti II u huma soġġetti għal-liġijiet nazzjonali.

Sakemm issir il-koordinazzjoni tul l-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom għall-armi tan-nar mniżżla f'din il-Parti;”

(20)

fl-Anness II, il-punt (f) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(f)

id-dikjarazzjonijiet:

“Id-dritt li wieħed jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor b'arma tan-nar waħda jew aktar ikklassifikati fil-kategorija A, B jew C msemmija f'dan il-pass għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni/jiet korrispondenti minn qabel mill-Istat Membru taż-żjara. Tali awtorizzazzjonijiet jistgħu jitniżżlu fuq il-pass.

Fil-prinċipju m'hemmx bżonn tal-awtorizzazzjoni minn qabel fuq imsemmija sabiex wieħed jivvjaġġa b'arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija C bi ħsieb ta' parteċipazzjoni f'kaċċa jew attivitajiet ta' rappreżentazzjoni teatrali ta' avvenimenti storiċi jew b'arma tan-nar ikklassifikata fil-kategorija A, B jew C sabiex wieħed jieħu sehem fi sparar fuq bersalji, sakemm il-vjaġġatur ikollu fil-pussess tiegħu pass għall-arma tan-nar u jkun jista' jagħti r-raġuni għall-vjaġġ.”

Fejn Stat Membru jkun informa lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 8(3), li l-pussess ta' ċerti armi tan-nar ikklassifikati fil-kategorija B jew C huwa pprojbit jew soġġett għall-awtorizzazzjoni, għandu jagħmel ukoll waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) ikkonċernat(i)) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) għandu jkun ipprojbit.”

“Vjaġġ lejn … (Stat(i) interessat/i) bl-arma tan-nar … (l-identifikazzjoni) għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni.””.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-14 ta' Settembru 2018. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 4(3) u mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 91/477/KEE, kif emendata permezz ta' din id-Direttiva, sal-14 ta' Diċembru 2019. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri taħt il-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fir-rigward tal-armi tan-nar miksuba qabel l-14 ta' Settembru 2018, jissospendu r-rekwiżit li jiddikjaraw l-armi tan-nar ikklassifikati fil-punt 5, 6 jew 7 tal-kategorija C sal-14 ta' Marzu 2021.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' Mejju 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

C. ABELA


(1)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 77.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta' April 2017.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess tal-armi (ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51).

(4)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/164/UE tal-11 ta' Frar 2014 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll kontra l-Iffabrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (ĠU L 89, 25.3.2014, p. 7).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI tas-26 ta' Frar 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut tal-iskambju bejn l-Istati Membri, ta' informazzjoni estratta mir-rekords kriminali (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 23).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(12)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(14)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(16)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


Rettifika

24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/40


Rettifika għar-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 95 tas-7 ta' April 2017 )

F'kull parti tat-test ta' dan ir-Regolament,

minflok:

“(UE) 2017/…”,

aqra:

“(UE) 2017/625”;

minflok:

“ĠU L …, p. …”,

aqra:

ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1”.

Fil-paġna 95, fl-Artikolu 135:

minflok:

“1.   Id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) għandhom japplikaw sakemm l-informazzjoni pproċessata permezz tal-IMSOC ikun fiha data personali kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad- Direttiva 95/46/KE u fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

[…]

aqra:

“1.   Id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) għandhom japplikaw sakemm l-informazzjoni pproċessata permezz tal-IMSOC ikun fiha data personali kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad- Direttiva 95/46/KE u fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

[…]

Fil-paġna 113, il-firmatarju:

minflok:

Għall-Kunsill

Il-President

…”,

aqra:

Għall-Kunsill

Il-President

I. BORG”;

minflok:

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

…”,

aqra:

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI”.



24.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 137/41


Rettifika tar-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 171 tad-29 ta' Ġunju 2016 )

Fil-paġna 47, l-Artikolu 42, il-punt (f) tal-paragrafu 2,

minflok:

“(f)

l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji massimi sa mill-anqas tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;”,

aqra:

“(f)

l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi pekunjarji massimi ta' mill-anqas tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;”.