ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 49

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 60
25 ta' Frar 2017


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/323 tal-20 ta' Jannar 2017 li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/324 tal-24 ta' Frar 2017 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-kopolimeru metakrilat bażiku (E 1205) ( 1 )

4

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/325 tal-24 ta' Frar 2017 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

6

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/326 tal-24 ta' Frar 2017 li jemenda għall-261 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da'esh) u tal-Al-Qaida

30

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/327 tal-24 ta' Frar 2017 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

32

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/328 tal-21 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward tal-awdituri esterni tal-Bank of Greece

34

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/329 tal-4 ta' Novembru 2016 dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar (notifikata bid-dokument C(2016) 6929)  ( 1 )

36

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida ( ĠU L 180, 29.6.2013 )

50

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/323

tal-20 ta' Jannar 2017

li jikkoreġi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (2) ġie adottat fl-4 ta' Ottubru 2016 u ġie ppubblikat fil-15 ta' Diċembru 2016. Huwa jistipula l-istandards għall-iskambju f'waqtu, akkurat u segregat tal-kollateral meta l-kuntratti tad-derivattivi ma jkunux ikklerjati minn kontroparti ċentrali u jinkludi għadd ta' rekwiżiti dettaljati li għandhom jintlaħqu biex grupp jikseb l-eżenzjoni milli jipprovdu marġni għal tranżazzjonijiet intragrupp. Minbarra dawn ir-rekwiżiti, meta waħda miż-żewġ kontropartijiet fil-grupp tkun domiċiljata f'pajjiż terz li għalih determinazzjoni tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun għadha ma ġietx ipprovduta, il-grupp irid jiskambja marġinijiet ta' varjazzjoni u inizjali ssegregati b'mod xieraq għat-tranżazzjonijiet intragrupp kollha mas-sussidjarji f'dawn il-pajjiżi terzi. Sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġini u filwaqt li jitqiesu rekwiżiti simili għall-obbligi tal-ikklerjar, ir-Regolament Delegat jipprovdi għal dewmien fl-implimentazzjoni ta' dan ir-rekwiżit partikolari sabiex jitħalla biżżejjed żmien għall-ikkompletar tal-proċess li jwassal tad-determinazzjoni tal-ekwivalenza, filwaqt li ma jirrikjedix allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi għal gruppi b'sussidjarji domiċiljati f'pajjiżi terzi.

(2)

Fl-Artikolu 37 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, id-dispożizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp b'mod analogu mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 36(2) (li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-marġini inizjali) hija nieqsa. Għalhekk għandhom jiżdiedu żewġ paragrafi ġodda mal-Artikolu 37, li huwa l-Artikolu li jispeċifika l-iskeda ta' introduzzjoni gradwali għar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni. Dawk il-paragrafi huma analogi għall-paragrafi 2 u 3 eżistenti tal-Artikolu 36, b'tali mod li meta ssir tranżazzjoni intragrupp bejn entità tal-Unjoni u entità ta' pajjiż terz, l-iskambju tal-marġini ta' varjazzjoni ma jkunx meħtieġ qabel tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament fejn ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni ta' ekwivalenza għal dak il-pajjiż terz. Meta jkun hemm deċiżjoni ta' ekwivalenza, ir-rekwiżiti jenħtieġ li japplikaw jew erba' xhur wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-ekwivalenza, jew skont l-iskeda ta' żmien ġenerali, skont liema minnhom tkun l-aktar tard.

(3)

L-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, ippreżentat mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej lill-Kummissjoni fit-8 ta' Marzu 2016, kien jinkludi l-istess perjodu ta' dħul gradwali kemm għall-marġini inizjali u wkoll għall-marġini ta' varjazzjoni. Il-ħtieġa għal korrezzjoni hija dovuta minħabba żball tekniku fil-proċess li jwassal għall-adozzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fejn l-inklużjoni taż-żewġ paragrafi dwar l-introduzzjoni gradwali tar-rekwiżiti tal-marġini ta' varjazzjoni għal tranżazzjonijiet intragrupp tħalliet barra.

(4)

Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jenħtieġ li jiġi kkoreġut skont dan.

(5)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 daħal fis-seħħ fl-4 ta' Jannar 2017. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' kontinwità fl-applikazzjoni tal-perjodi ta' introduzzjoni gradwali inizjali u għall-marġni ta' varjazzjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza b'applikazzjoni retroattiva,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 37 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu jintlaħqu, l-Artikoli 9(1), 10 u 12 għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament meta ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(b)

id-data l-iktar tard minn dawn li ġejjin meta tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti:

(i)

erba' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(ii)

id-data applikabbli ddeterminata skont il-paragrafu 1.

4.   Id-deroga msemmija fil-paragrafu 3 għandha tapplika biss meta l-kontropartijiet għal kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

kontroparti waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni;

(b)

il-kontroparti stabbilita f'pajjiż terz tkun jew kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja;

(c)

il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kontroparti finanzjarja, kontroparti mhux finanzjarja, kumpanija azzjonarja finanzjarja, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi anċillari soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali xierqa u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti finanzjarja;

(ii)

kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti mhux finanzjarja;

(d)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazjoni fuq bażi sħiħa skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri ċentralizzati ta' evalwazzjoni, kejl u kontroll tar-riskju;

(f)

jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Kapitolu III.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-4 ta' Jannar 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).


25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/324

tal-24 ta' Frar 2017

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għall-kopolimeru metakrilat bażiku (E 1205)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, kemm b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Fil-21 ta' Novembru 2014, tressqet applikazzjoni għall-emenda ta' speċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-addittiv tal-ikel kopolimeru metakrilat bażiku (E 1205). L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-applikant talab biex tiġi emendata d-definizzjoni tal-addittiv tal-ikel fir-rigward tad-deskrizzjoni qasira tal-proċess ta' manifattura minħabba l-modernizzazzjoni tal-proċess ta' manifattura. Wara reviżjoni bir-reqqa tad-daqs tal-partiċelli fl-ispeċifikazzjoni attwali, l-applikant talab bidla fid-daqs tal-partiċelli tat-trab.

(5)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar is-sikurezza tal-emenda proposta tal-ispeċifikazzjonijiet għall-kopolimeru metakrilat bażiku (E 1205) bħala addittiv tal-ikel (4). Abbażi tad-dejta pprovduta mill-applikant u filwaqt li qieset l-evalwazzjoni oriġinali tas-sustanza fl-2010 (5), l-Awtorità kkonkludiet li l-emendi proposti għall-ispeċifikazzjonijiet tal-addittiv tal-ikel kopolimeru metakrilat bażiku (E 1205) mhumiex ta' tħassib għas-sikurezza.

(6)

Għaldaqstant ir-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA Journal 2016;14(5):4490 p. 13.

(5)  EFSA Journal 2010;8(2):1513, p. 23.


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrati għall-addittiv tal-ikel E 1205 kopolimeru metakrilat bażiku huma emendati kif ġej:

(1)

L-entrata għad-definizzjoni qed tinbidel b'dan li ġej:

Definizzjoni

Il-kopolimeru metakrilat bażiku jiġi mmanifatturat mill-polimerizzazzjoni termika kkontrollata tal-monomeri tal-metakrilat metiliku, il-metakrilat butiliku u l-metakrilat dimetilamminoetiliku (maħlula fil-propan-2-ol) bl-użu ta' sistema donor initiator tar-radikali ħielsa. Merkaptan alkiliku jintuża bħala aġent li jimmodifika l-katina. Is-soluzzjoni tal-polimeru hija estruża u granulata f'vakwu biex jitneħħewlha l-komponenti volatili residwi. Il-granuli li jirriżultaw jitqiegħdu fis-suq hekk jew isirilhom stadju tat-tħin (il-mikronizzazzjoni).”

(2)

L-entrata għad-daqs tal-partiċella qed tinbidel b'dan li ġej:

“Id-daqs tal-partiċella tat-trab (meta jintuża jifforma rita)

< 50 μm mill-inqas 95 %

< 20 μm mill-inqas 50 %

< 3 μm mhux aktar minn 10 %”


25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/325

tal-24 ta' Frar 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u, b'mod partikolari, l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (UE) Nru 1105/2010 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, jew “iċ-Ċina”).

(2)

Il-miżuri imposti ħadu l-forma ta' dazju ad valorem b'rata residwa ta' 9,8 % filwaqt li l-kumpaniji li fuqhom ġew imposti d-dazji antidumping irċevew rata ta' dazju individwali li tvarja minn 5,1 % sa 9,8 %. Fl-investigazzjoni oriġinali nstab li żewġ kumpaniji ma kinux qed iwettqu dumping.

2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

(3)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (3) tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(4)

It-talba saret fil-31 ta' Awwissu 2015 minn CIRFS (“The European Manmade Fibres Association” jew “l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri.

(5)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx kienet tirriżulta f'kontinwazzjoni u/jew rikorrenza ta' dumping u ħsara lill-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(6)

Wara li kkonsultat mal-Kumitat, stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku u ddeterminat li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, il-Kummissjoni ħabbret fit-28 ta' Novembru 2015, permezz ta' notifika ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) (“Notifika ta' bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza

4.1.   Perjodi rilevanti koperti mill-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza

(7)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping u ta' dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2014 sat-30 ta' Settembru 2015 (“il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dannu kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami (il-“perjodu kkunsidrat”).

4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni u l-kampjunar

(8)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, lill-produtturi esportaturi u lill-importaturi magħrufa li huma kkonċernati u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar il-bidu tar-rieżami tal-iskadenza.

(9)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta' smigħ fil-limiti ta' żmien stipulati fin-Notifika ta' bidu. Ebda parti interessata ma talbet smigħ quddiem il-Kummissjoni.

(10)

Fid-dawl tal-għadd apparentement kbir ta' produtturi esportaturi Ċiniżi kif ukoll ta' importaturi mhux relatati fl-Unjoni, fin-Notifika ta' bidu kien previst kampjunar skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(11)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk ikunx meħtieġ kampjunar u, jekk iva, biex tagħżel kampjun rappreżentattiv, il-produtturi esportaturi u l-importaturi Ċiniżi mhux relatati ġew mitluba jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mill-bidu tar-rieżami u jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-Notifika ta' bidu.

(12)

Ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera mal-investigazzjoni.

(13)

B'kollox ġew ikkuntattjati sitt importaturi mhux relatati fl-istadju tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta' bidu. Waslu tweġibiet mingħand 15-il importatur mhux relatati. Minħabba l-għadd kbir ta' importaturi li kkooperaw il-Kummissjoni ħadet kampjun. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' importazzjonijiet li jistgħu jiġu investigati b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-kampjun magħżul oriġinarjament kien jikkonsisti fi tliet kumpaniji u kien jirrappreżenta 29 % tal-volum ta' importazzjonijiet stmat mir-RPĊ lejn l-Unjoni u 85 % tal-volumi ta' importazzjonijiet irrapportati mill-15-il persuna li wieġbu. Ġiet riċevuta biss it-tweġiba ta' importatur mhux relatat wieħed għall-kwestjonarju.

(14)

B'kollox ġew ikkuntattjati għaxar utenti magħrufin fl-istadju tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta' bidu. Waslu tweġibiet mingħand erbgħa minnhom. Il-kampjunar ma kienx previst għall-utenti u l-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestigahom kollha.

(15)

Ħames produtturi tal-Unjoni li rrappreżentaw madwar 97 % tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri fil-PIR kkooperaw mal-Kummissjoni. Fid-dawl ta' dan in-numru żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tapplikax kampjunar.

4.3.   Il-kwestjonarji u l-verifika

(16)

Intbagħtu kwestjonarji lill-ħames produtturi tal-Unjoni li kkooperaw u lil produttur wieħed f'pajjiż analogu potenzjali, li qabel li jikkoopera.

(17)

Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi tal-Unjoni:

Brilen Tech S. A., Spanja

Sioen Industries NV, Il-Belġju

DuraFiber Technologies (DFT) SAS, Franza

DuraFiber Technologies (DFT) GmbH, il-Ġermanja

PHP Fibers GmbH, il-Ġermanja

(b)

Produttur f'pajjiż analogu:

DuraFiber Technologies, l-Istati Uniti tal-Amerka (“l-Istati Uniti”)

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(18)

Il-prodott ikkonċernat huwa ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri (għajr ħajt tal-ħjata), mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumaturi, inkluż il-monofilament ta' anqas minn 67 deċiteks li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat” jew “HTY”) li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 5402 20 00.

2.   Prodott simili

(19)

L-investigazzjoni tar-rieżami kkonfermat li l-prodott ikkonċernat, il-ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri prodott u mibjugħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri prodott u mibjugħ fil-pajjiż analogu (l-Istati Uniti) għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi. Għaldaqstant, dawn il-prodotti jitqiesu li huma prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA' TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TAD-DUMPING

(20)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti tistax twassal biex id-dumping mir-RPĊ ikompli jew jerġa' jseħħ.

1.   Kooperazzjoni mir-RPĊ

(21)

Ebda produttur esportatur Ċiniż ma kkoopera mal-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, l-analiżi globali, inkluż il-kalkolu tad-dumping, kienet ibbażata fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' rikorrenza ta' dumping ġiet ivvalutata billi ntużat talba ta' rieżami ta' skadenza, flimkien ma' sorsi oħrajn ta' informazzjoni, bħal statistiċi tal-kummerċ dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (l-Eurostat u d-dejta tal-esportazzjoni Ċiniża), it-tweġiba mingħand il-produttur ta' pajjiż analogu u informazzjoni oħra disponibbli pubblikament (5).

(22)

In-nuqqas ta' kooperazzjoni affettwat it-tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni ta' tipi ta' prodott differenti. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, tqies xieraq li jiġu stabbiliti kemm il-valur normali kif ukoll il-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi globali.

(23)

Skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, l-istess metodoloġija użata sabiex jiġi stabbilit id-dumping fl-investigazzjoni oriġinali ġiet segwita kull meta nstab li ma nbidlux iċ-ċirkostanzi.

2.   Dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami

(a)   Il-pajjiż analogu

(24)

Il-valur normali ġie ddeterminat abbażi tal-prezzijiet imħallsa f'pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”), skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(25)

Fl-investigazzjoni oriġinali, it-Tajwan intuża bħala pajjiż analogu għall-iskopijiet tal-istabbiliment tal-valur normali fir-rigward tar-RPĊ. Fin-Notifika ta' bidu, il-Kummissjoni infurmat lil partijiet interessati li qieset l-użu tat-Tajwan bħala pajjiż analogu u stiednet lill-partijiet biex jikkummentaw. In-Notifika ta' bidu żiedet ukoll li, skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, setgħu nstabu fornituri oħrajn tal-ekonomija tas-suq tal-Unjoni, fost l-oħrajn, fl-Istati Uniti u fir-Repubblika tal-Korea.

(26)

Parti interessata minnhom appoġġat l-għażla tat-Tajwan bħala pajjiż analogu, minħabba t-tagħmir u l-proċess tal-produzzjoni simili għal dawk użati mill-produtturi Ċiniżi. Madankollu, ebda produttur mit-Tajwan ma qabel li jikkoopera mal-investigazzjoni.

(27)

Abbażi tal-istatistika tal-importazzjonijiet u l-informazzjoni mit-talba għal rieżami, apparti t-Tajwan, il-Kummissjoni qieset għadd ta' pajjiżi oħrajn bħala pajjiżi analogi potenzjali, bħar-Repubblika tal-Korea, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerka (6). Intbagħtu talbiet għal kooperazzjoni lill-produtturi u lill-assoċjazzjonijiet magħrufin kollha minn dawn il-pajjiżi. Produttur wieħed biss fl-Istati Uniti (Dura Fibres) qabel li jikkoopera.

(28)

Il-Kummissjoni sabet li l-Istati Uniti kellhom rata tad-dazju doganali konvenzjonali sinifikanti (8,8 %) fuq l-importazzjonijiet ta' HTY minn pajjiżi terzi, iżda ebda dazju antidumping. Dura Fibres hija l-uniku produttur tal-prodott ikkonċernat fl-Istati Uniti tal-Amerka li kellu madwar 30 % tas-sehem mis-suq matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, huwa soġġett għal kompetizzjoni b'saħħitha mill-pajjiżi esportaturi (7).

(29)

Fid-dawl ta' dan li ntqal hawn fuq u fin-nuqqas ta' xi kumment ieħor, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Istati Uniti huma pajjiż analogu xieraq skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku.

(b)   Valur normali

(30)

L-informazzjoni riċevuta mingħand il-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu ntużat bħala bażi għad-determinazzjoni tal-valur normali.

(31)

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni l-ewwel eżaminat jekk il-volum totali tal-bejgħ domestiku tal-prodott simili lil klijenti indipendenti magħmul minn produtturi li kkooperaw fl-Istati Uniti kienx rappreżentattiv meta mqabbel mal-volum totali mir-RPĊ għall-Unjoni, jiġifieri jekk il-volum totali ta' tali bejgħ domestiku kienx jirrappreżenta mill-inqas 5 % tal-volum totali tal-bejgħ f'esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, instab li l-bejgħ domestiku fil-pajjiż analogu kien rappreżentattiv.

(32)

Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili jistax jitqies li qed isir fil-perkors normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku effettiv, li ġie kkalkolat bħala prezz medju tal-bejgħ domestiku li sar matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(c)   Prezz tal-esportazzjoni

(33)

Kif iddikjarat fil-premessa 15 hawn fuq, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx fl-investigazzjoni. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(34)

Il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-istatistiki disponibbli fuq Eurostat. Il-volumi importati mill-produtturi Ċiniżi li nstabu li ma kinux qed iwettqu dumping fl-investigazzjoni oriġinali (madwar 40 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi) ma ġewx ikkunsidrati għad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni.

(35)

Parti interessata ddikjarat li l-volumi minn produtturi Ċiniżi li nstabu li mhux qed jagħmlu dumping fl-investigazzjoni oriġinali ma kellhomx jiġu esklużi mill-kalkolu tal-marġni tad-dumping għax ma hemm l-ebda dispożizzjoni f'dan is-sens fir-Regolament bażiku, Madankollu, hija l-prassi tal-Kummissjoni (8), fl-applikazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Ftehim dwar l-Antidumping ipprovdut mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fil-każ Beef and rice  (9), li teskludi kumpaniji mir-rieżami li fir-rigward tagħhom ikun instab marġni ta' dumping de minimis fl-investigazzjoni inizjali. Għaldaqstant, it-talba ġiet miċħuda.

(d)   Paragun

(36)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika. Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(37)

Rigward il-prezzijiet domestiċi tal-produttur tal-pajjiż analogu saru aġġustamenti għall-ispejjeż tat-trasportazzjoni domestika u l-ispejjeż tal-ippakkjar ((2 %–4 %) tal-valur tal-fattura) u l-kummissjonijiet (0,5 %–1,5 %). Fir-rigward tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, il-valur tal-fabbrika “ex-works” ġie stabbilit billi tnaqqas mill-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni l-perċentwal għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġar u għal allokazzjonijiet oħrajn, kif stmati fit-talba għal rieżami (12,98 %). Fir-rigward tal-gratifiki għall-bejgħ tal-esportazzjonijiet, parti interessata kkritikat l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u ssuġġeriet li jenħtieġ li l-gratifiki mill-produttur tal-pajjiż analogu jintużaw minflok l-istima inkluża fit-talba għal rieżami. Madankollu, ma jidhirx li dan il-metodu huwa xieraq billi l-gratifiki rappurtati mill-produttur tal-pajjiż analogu jirreferu għall-bejgħ domestiku fl-Istati Uniti tal-Amerka u ma għandhom l-ebda rilevanza għall-istima tal-gratifiki tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' informazzjoni kredibbli oħra, il-Kummissjoni tiddependi fuq l-istima għal gratifiki ta' bejgħ tal-esportazzjoni pprovduti f'din it-talba.

(e)   Il-marġni tad-dumping

(38)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-marġni ta' dumping espress bħala perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, instab li kien 54,4 %.

(39)

Minkejja d-differenza sinifikanti bejn il-marġni tad-dumping li nstab fl-investigazzjoni oriġinali u dak li rriżulta mill-analiżi kurrenti, ma kien hemm ebda indikazzjoni ta' bidla fl-imġiba tal-esportazzjoni mill-produtturi Ċiniżi. Għall-kuntrarju, huwa plawżibbli li r-raġuni għad-differenza tista' tkun dovuta primarjament għall-impossibbiltà (minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi) li ssir analiżi ddettaljata skont it-tip ta' prodott.

(f)   Konklużjoni dwar id-dumping fil-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami

(40)

Il-Kummissjoni sabet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi komplew jesportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni bi prezzijiet oġġetti ta' dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

3.   Evidenza dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tad-dumping

(41)

Il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk kienx hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni ta' dumping jekk il-miżuri jiskadu. Meta għamlet dan, analizzat il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità żejda fiċ-Ċina, l-imġiba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħra, is-sitwazzjoni fis-suq domestiku taċ-Ċina u kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni.

(a)   Il-kapaċità ta' produzzjoni u l-kapaċità ta' riżerva fir-RPĊ

(42)

Id-determinazzjoni tal-kapaċità ta' riżerva fiċ-Ċina tbati min-nuqqas ta' kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi. Sabiex tiġbor l-akbar ammont ta' informazzjoni possibbli, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand żewġ assoċjazzjonijiet ta' esportaturi Ċiniżi (il-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali taċ-Ċina, “CCOIC”, u l-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni tat-tessuti, “CCCT”), li l-membri tagħhom jammontaw għal aktar minn nofs il-kapaċità tal-produzzjoni stmata taċ-Ċina. Dawn l-assoċjazzjonijiet bagħtu tweġiba ddettaljata, li madankollu ma setgħetx tiġi vverifikata minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi. Il-paragrafi li ġejjin juru l-informazzjoni pprovduta, u jqabbluha ma' informazzjoni oħra disponibbli (mit-talba ta' rieżami u sorsi oħrajn disponibbli (10)).

(43)

Skont is-CCOIC-CCCT, il-kapaċità żejda fiċ-Ċina ppreżentat biss żieda limitata fil-perjodu 2012-PIR u setgħet tiġi stmata bħala li kienet qed tevolvi minn punt tat-tluq ta' 150 000–250 000 tunnellati metriċi (MT) fl-2012 għal livell ta' 200 000–300 000 MT fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami.

(44)

Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu kalkolu ddettaljat tal-kapaċità ta' riżerva wkoll fuq il-bażi ta' informazzjoni disponibbli oħra. L-elementi ewlenin ta' dan il-kalkolu huma (i) il-kapaċità installata tal-produtturi Ċiniżi; (ii) id-domanda domestika; (iii) l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi oħrajn.

(45)

Rigward il-konsum domestiku taċ-Ċina, il-partijiet interessati kollha jidhru li jaqblu fuq id-dejta li tinsab fit-talba. Din id-dejta tbassar tkabbir fid-domanda domestika fiċ-Ċina fil-perjodu kkunsidrat (+ 20 %, minn madwar 900 000 MT fl-2012 għal madwar 1 150 000 MT fl-2015).

(46)

Rigward id-dejta dwar l-esportazzjonijiet taċ-Ċina, il-Kummissjoni kkunsidrat l-istatistiki taċ-Ċina dwar l-esportazzjonijiet, li wrew tkabbir ta' 47 % fil-perjodu 2012-PIR.

(47)

Fl-aħħar nett, rigward l-istima tal-kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża, skont it-talba tal-ilmentatur, li tirreferi għal studju tas-settur rikonoxxut internazzjonalment (11), il-kapaċità Ċiniża bdiet b'aktar minn 1 600 000 MT fl-2012 u laħqet madwar 2 400 000 MT fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami.

Tabella 1

(f'1 000 MT)

2012

2013

2014

PIR

Kapaċità taċ-Ċina (12)

1 633

1 828

2 126

2 370  (13)

Domanda domestika (12)

896

985

1 057

1 158  (13)

Esportazzjonijiet (14)

255

294

362

376

L-użu tal-kapaċità (%)

71

70

67

65

Kapaċità ta' riżerva

482

549

707

836

(48)

Abbażi ta' dan il-kalkolu, il-kapaċità żejda tal-produtturi Ċiniżi kienet stmata għal aktar minn 800 000 MT fil-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, jiġifieri seba' darbiet aktar mis-suq totali disponibbli tal-UE (15) u kważi disa' darbiet aktar mill-volumi tal-produzzjoni mill-produtturi tal-UE (stmat għal 92 461 MT).

(49)

Bħala konklużjoni, hemm raġunijiet għaliex wieħed jemmen li l-istima tal-kapaċità proposta minn CCOIC u CCCT hija konservattiva wisq. B'mod partikolari, meta mqabbla mal-istimi tad-domanda domestika u tal-esportazzjonijiet taċ-Ċina, dawn l-istudji jwasslu għal rata ta' użu tal-kapaċità ta' aktar minn 90 % għas-snin 2012 u 2013, li jissuġġerixxi li l-kapaċità tal-produzzjoni għal dawk is-snin kienet ferm sottovalutata. F'kull każ, anki jekk jiġi aċċettat dan il-kalkolu, il-kapaċità ta' riżerva eżistenti tal-produtturi Ċiniżi xorta waħda tkun tammonta għal 200 000–300 000 MT, li tiġi [daqs jew akbar mid-]daqs totali tas-suq Ewropew (madwar 217 000 MT, li madwar 98 000 MT minnha hija servita minn prodotti Ċiniżi diġà).

(50)

Fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċità proposta mis-CCOIC u mis-CCCT, l-istess assoċjazzjonijiet ikkontestaw il-konklużjoni li l-istima tal-kapaċità tagħhom tkun konservattiva wisq. Fil-fehma tagħhom, fin-nuqqas ta' dejta vverifikata jenħtieġ li kemm l-istima tagħhom kif ukoll l-istudju indipendenti jitqiesu bħala “ugwalment mhux kredibbli”. Madankollu, l-istima fornuta mis-CCOIC u mis-CCCT ma kinitx tidher stmata għolja żżejjed fir-rigward tad-dejta inkluża fl-istudju indipendenti biss, iżda anki għal dejta magħrufa jew mhux kontestata bħall-konsum domestiku Ċiniż u l-esportazzjonijiet Ċiniżi. Pereżempju, fir-rigward tas-sena 2012, l-assoċjazzjonijiet Ċiniżi stmaw produzzjoni attwali Ċiniża ta' 1 000 000 MT. Madankollu, għal dik is-sena, is-somma ta' konsum domestiku Ċiniż (dejta li mhijiex ikkontestata mill-assoċjazzjonijiet) u volumi ta' esportazzjonijiet (kif estratti mill-bażi tad-dejta tal-esportazzjonijiet Ċiniżi) ammontat għal 1 151 000 MT, jiġifieri 15,1 % ogħla mill-figura ta' produzzjoni stmata. Għaldaqstant, f'dan il-każ, id-dejta pprovduta miż-żewġ assoċjazzjonijiet tidher konservattiva wisq billi l-figuri ta' produzzjoni rrappurtati ma jippermettux li jiġi sostnut il-konsum ikkalkulat.

(51)

Barra minn hekk, id-dejta miġbura mill-assoċjazzjonijiet Ċiniżi tirrappreżenta biss madwar nofs il-produtturi taċ-Ċina, l-istudju indipendenti ġie fornut minn kumpanija ta' konsultazzjoni bi tletin sena esperjenza fil-qasam, li professjonalment tipprovdi lill-abbonati tagħha bi tbassir u stimi dwar is-suq tal-fibri. Għaldaqstant, filwaqt li jitqiesu kemm is-sors tad-dejta kif ukoll il-kredibbiltà tagħha (anki meta mqabbla ma' dak li ġie indikat fi studju indipendenti (16)), mhuwiex meħtieġ li tinbidel il-konklużjoni li skontha l-kalkolu tal-kapaċità żejda pprovdut mill-assoċjazzjoni Ċiniża jkun konservattiv wisq. Madankollu, ta' min jgħid li anki jekk jiġi aċċettat il-kalkolu propost, kif deskritt fil-paragrafu segwenti, il-konklużjoni dwar il-kapaċità żejda ma tinbidilx.

(52)

Għaldaqstant, abbażi tal-kalkoli esposti hawn fuq, jidher ċar li l-kapaċità żejda Ċiniża hija enormi u tvarja (skont l-istimi) minn daqs li jirrappreżenta 92–138 % tad-daqs tas-suq tal-Unjoni, għal madwar 385 %. Jekk inqabblu l-kapaċità żejda taċ-Ċina mal-parti tas-suq tal-Unjoni li għadha mhijiex servita mill-prodotti Ċiniżi, din tvarja minn madwar 168–252 % sa madwar 700 %. Finalment, il-kapaċità żejda taċ-Ċina tirrappreżenta minn 216–324 % sa 904 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott investigat fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami.

(53)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi Ċiniżi għandhom kapaċità żejda enormi għad-dispożizzjoni, meta mqabbla mad-daqs tas-suq Ewropew.

(b)   L-attraenza tas-suq tal-Unjoni

(54)

Iċ-Ċina tesporta kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat lil pajjiżi terzi apparti l-Unjoni, speċjalment lejn l-Istati Uniti, ir-Repubblika tal-Korea, il-Brażil, l-Indja u t-Turkija. Il-paragun tal-livelli tal-prezz medju għal kull kg wera li l-prezz medju fis-swieq tal-esportazzjoni ewlenin fil-perjodu ta' investigazzjoni ta' rieżami kien allinjat jew anqas mill-prezz tal-bejgħ medju lejn l-Unjoni. Fis-suq tal-Istati Uniti (li jinsab fit-tieni post wara l-UE f'termini ta' volumi esportati), il-prezz medju fil-PIR huwa kemxejn aktar baxx minn dak Ewropew (1,85 USD/kg vs 1,89 USD/kg), filwaqt li fis-suq Korean (it-tielet suq tal-esportazzjonijiet għall-prodott ikkonċernat wara l-UE u l-Istati Uniti) il-prezz medju huwa aktar baxx b'mod sinifikanti (1,58 USD/kg, jiġifieri madwar 16 % aktar baxx mill-prezzijiet tal-UE). Fir-rigward ta' dawn is-sejbiet, parti interessata tenniet li hemm tliet swieq ta' esportazzjoni sinifikanti ta' oġġetti Ċiniżi meta l-prezzijiet medji jkunu ogħla mill-prezzijiet tas-suq tal-Unjoni, jiġifieri l-Kanada (1,90 USD/kg), l-Indoneżja (2,07 USD/kg) u l-Brażil (1,95 USD/kg). Fir-rigward ta' din l-istqarrija, ta' min l-ewwel jinnota li d-differenza fil-prezzijiet hija relattivament aktar baxxa (minn + 0,5 % għal + 9,4 %); barra minn hekk, id-daqs tal-esportazzjonijiet f'dawn is-swieq huwa pjuttost limitat meta mqabbel mal-esportazzjonijiet lejn l-Ewropa. Filwaqt li s-suq tal-Unjoni assorba 30,3 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi fil-PIR, il-Kanada tirrappreżenta biss 3,1 % tat-total u l-Brażil 5,1 %. Barra minn hekk, l-Indoneżja, li huwa l-pajjiż li jenfasizza l-ikbar differenza fil-prezzijiet (+ 9,4 %), jirrappreżenta biss 2 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, għaldaqstant il-konklużjonijiet li wieħed jista' jislet minn dawn il-prezzijiet huma limitati. Barra minn hekk, il-parti interessata ma ssemmix erba' swieq oħra tal-esportazzjoni li jippreżentaw volumi simili ta' importazzjonijiet, jiġifieri l-Indja (5,6 %), it-Turkija (4,3 %), it-Tajwan (2,4 %), l-Afrika t'Isfel (2,3 %). F'dawn il-pajjiżi kollha l-prezzijiet medji kienu aktar baxxi minn dawk irrappurtati fl-Unjoni matul il-PIR, b'perċentwali li jvarjaw minn madwar 4 % għal aktar minn 12 %. Għaldaqstant, l-evidenza pprovduta ma kenitx biżżejjed biex tinbidel il-konklużjoni fir-rigward tal-attraenza tas-suq tal-Unjoni f'termini tal-prezzijiet.

(55)

Għalkemm dan it-tqabbil ma jistax jitqies konklużiv minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar it-taħlita tat-tip ta' prodott, jidher li l-livell tal-prezzijiet fis-suq ewlieni tal-esportazzjonijiet jindika li l-preżenza tal-prattiki ta' dumping tista' tkun strutturali u komuni anki għal swieq ewlenin ta' destinazzjoni oħrajn tal-prodotti Ċiniżi.

(56)

Madankollu, l-evidenza ewlenija tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping tinstab meta jiġu kkunsidrati l-volumi tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-UE. Tabilħaqq, l-evoluzzjoni tal-bejgħ mill-esportazzjonijiet fil-perjodu 2012-PIR turi li l-esportazzjoni mill-produtturi Ċiniżi żdiedet b'47 %. Dan huwa minnu anki meta l-analiżi teskludi l-bejgħ taż-żewġ esportaturi li nstabu mhumiex qed jagħmlu dumping fl-investigazzjoni oriġinali u għaldaqstant mhumiex soġġetti għall-miżuri antidumping attwali. Tabilħaqq, il-bejgħ mill-esportazzjonijiet tal-kumpaniji li jifdal fl-istess perjodu segwew tendenza simili (+ 48 %). Meta l-Kummissjoni qabblet din ir-rata ta' tkabbir mar-rata aktar limitata ta' tkabbir tad-domanda domestika fl-istess perjodu (+ 20 %), u mar-rata ferm aktar veloċi ta' tkabbir tal-kapaċità installata fiċ-Ċina (+ 54 % skont l-assoċjazzjonijiet tal-esportaturi, u + 69 % skont l-ilmentatur), deher ċar li l-kumpaniji Ċiniżi bilfors li jiddependu fuq strateġiji ta' pprezzar aggressivi fis-suq tal-esportazzjoni tagħhom sabiex jiksbu livell aċċettabbli ta' użu tal-kapaċità.

(57)

Fir-rigward ta' dawn il-figuri ta' esportazzjoni, parti interessata tenniet li s-sehem tal-esportazzjonijiet Ċiniżi diretti lejn is-suq tal-Unjoni qed jonqos. Is-sehem tal-esportazzjonijiet Ċiniżi diretti lejn l-Unjoni naqas fil-perjodu mill-2012 sal-PIR minn madwar 35 % għal 30 %. Fir-rigward ta' din it-talba, ta' min jgħid li l-ewwel nett l-UE għadha s-suq ewlieni tal-esportazzjonijiet għall-esportaturi Ċiniżi. Barra minn hekk, dan it-tnaqqis żgħir huwa prinċipalment konsegwenza tal-prestazzjoni tajba tal-esportaturi Ċiniżi fi swieq oħrajn; prestazzjoni li jidher li hija kkawżata wkoll minn politiki ta' prezzar aggressivi f'dawk is-swieq. Pereżempju, fl-istess perjodu mill-2012 sal-PIR, l-esportaturi Ċiniżi lejn ir-Repubblika tal-Korea (suq li fih, kif jidher hawn fuq, il-prezzijiet Ċiniżi huma aktar baxxi mill-prezzijiet fl-UE fil-PIR b'madwar 16 %) żdiedu b'madwar 72 %. Fl-istess ħin, fis-suq Indoneżjan, li ssemma' hawn fuq bħala eżempju ta' pprezzar ġust (+ 9,4 % fuq il-prezz medju tal-Unjoni), il-prestazzjoni tal-esportazzjonijiet Ċiniżi batiet, b'volumi li naqsu b'madwar 16 %. Għaldaqstant, fid-dawl ta' din l-analiżi, il-konklużjoni li l-kumpaniji Ċiniżi jkollhom jiddependu fuq strateġiji ta' pprezzar aggressivi fis-suq tal-esportazzjonijiet tagħhom hija kkonfermata.

(58)

Barra minn hekk, rigward it-tbassir għall-futur, studju indipendenti settorjali jbassar li d-domanda fiċ-Ċina għal fibri magħmulin mill-bniedem (kategorija tal-prodotti usa', li tinkludi l-prodott ikkonċernat) se tibqa' kostanti mill-inqas sal-2018 (17). Studju ieħor jissuġġerixxi wkoll li l-inventarji Ċiniżi huma mimlija, b'riżultat ta' tnaqqis fil-prezzijiet tal-prodott bażiku (18). Dan ġiegħel lill-industrija downstream tnaqqas il-provvista tagħha ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) għall-minimu neċessarju, sabiex tevita riskji dovuti għaċ-ċaqliq fil-prezzijiet.

(59)

Għaldaqstant, huwa probabbli li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-produtturi esportaturi Ċiniżi jibqgħu attivi fi prattiki ta' pprezzar aggressiv, sabiex jiksbu sehem akbar mis-suq fl-Ewropa għall-kapaċità eċċessiva sinifikanti tagħhom.

4.   Konklużjoni dwar id-dumping u l-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping

(60)

L-investigazzjoni, li bbażat fuq l-aħjar fatti disponibbli, uriet li l-produtturi Ċiniżi kienu qed jagħmlu dumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Ġie stabbilit li ċ-Ċina għandha kapaċità ta' riżerva enormi għad-dispożizzjoni tagħha (meta mqabbla mad-daqs tas-suq tal-Unjoni). Barra minn hekk, fid-dawl tat-tkabbir bil-mod tas-suq domestiku Ċiniż, il-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom bżonn jibqgħu jdaħħlu fl-Unjoni kwantitajiet sinifikanti tal-prodott ikkonċernat sabiex jiksbu livell aċċettabbli ta' bejgħ.

(61)

F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa konkluż li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, huwa ferm probabbli li l-prattiki ta' dumping, li ma twaqqfux mill-miżuri, ikomplu fis-suq tal-UE.

D.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TA' ĦSARA

1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(62)

Matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami, il-prodott simili kien immanifatturat minn sitt produtturi tal-Unjoni li jikkostitwixxu “l-industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku. L-ebda wieħed minnhom ma oppona l-bidu ta' dan ir-rieżami.

2.   Konsum tal-Unjoni

(63)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-konsum tal-Unjoni fuq il-bażi tal-istatistika disponibbli dwar l-importazzjoni, il-bejgħ reali tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw fis-suq tal-Unjoni u l-bejgħ stmat tal-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx. Id-definizzjoni tal-konsum tirreferi għall-bejgħ f'suq ħieles, inkluż il-bejgħ lil partijiet relatati iżda mingħajr l-użu ristrett. L-użu ristrett, jiġifieri t-trasferimenti interni tal-prodott simili fost il-produtturi integrati tal-Unjoni għal aktar ipproċessar, ma ġiex inkluż fiċ-ċifra tal-konsum tal-Unjoni, għax dawn it-trasferimenti interni mhumiex f'kompetizzjoni mal-bejgħ minn fornituri indipendenti fis-suq ħieles. Il-bejgħ lil kumpaniji relatati ġie inkluż fiċ-ċifra tal-konsum tal-Unjoni billi skont id-dejta miġbura matul l-investigazzjoni, dawk il-kumpaniji relatati kienu ħielsa li jixtru l-prodott ikkonċernat ukoll minn sorsi oħra. Barra minn hekk, il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni għal partijiet relatati nstabu li huma konformi mal-prezzijiet medji tal-bejgħ lil partijiet mhumiex relatati.

(64)

Abbażi ta' dan, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum tal-Unjoni

 

2012

2013

2014

PIR

Il-volum (f'tunnellati)

196 478

209 076

222 306

217 171

Indiċi

100

106

113

111

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u l-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

(65)

Il-konsum tal-Unjoni żdied bi 11 % minn 196 478 tunnellata fl-2012 għal 217 171 tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Il-konsum matul ħafna mill-perjodu kkunsidrat kien ogħla mill-konsum ta' 205 912-il tunnellata fil-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali (minn Lulju 2008 sa Ġunju 2009).

(66)

Parti interessata ddikjarat li s-servizzi tal-Kummissjoni kellhom jinkludu bejgħ ristrett għad-determinazzjoni tal-konsum u li billi jagħmlu dan is-sehem mis-suq Ċiniż kien ikun stabbli. Issuġġeriet li s-servizzi tal-Kummissjoni ddistingwew ħażin bejn it-tliet swieq, jiġifieri l-bejgħ lill-kumpaniji mhux relatati, il-bejgħ lill-kumpaniji relatati intiżi għal bejgħ fis-suq ħieles u l-bejgħ lill-kumpaniji relatati intiżi għal użu ristrett, filwaqt li allegatament dan il-bejgħ kollu kellu jiġi inkluż fid-determinazzjoni tal-konsum tal-Unjoni.

(67)

L-ewwel nett, ta' min jenfasizza li ma saret l-ebda distinzjoni bejn it-tliet swieq differenti. L-użu ristrett mill-kumpaniji relatati ġie eskluż minħabba li dawn il-prodotti ma jitpoġġewx f'ċirkolazzjoni libera fis-suq tal-UE u għaldaqstant ma jikkompetux mal-importazzjonijiet. Dan il-bejgħ jikkonsisti biss fi trasferiment ta' prodotti lejn l-entitajiet relatati għall-inkorporazzjoni tagħhom fil-proċess tal-produzzjoni ta' prodotti oħrajn, mhux investigati. Għaldaqstant, dan l-użu ristrett ma jistax jitqies bħala parti mill-konsum tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat.

(68)

It-tieni nett, f'kull każ, iż-żieda ipotetika tal-bejgħ ristrett fil-konsum tal-Unjoni ma jagħmilx l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq Ċiniż stabbli. Anzi, it-tendenza tibqa' l-istess fil-parti l-kbira tagħha kif jidher hawn taħt fit-Tabella 3.

3.   Importazzjonijiet soġġetti għal miżuri mill-pajjiż ikkonċernat

(a)   Volum u sehem mis-suq

(69)

Ta' min ifakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, il-volumi ta' importazzjonijiet li nstab li ma kinux oġġett ta' dumping kienu esklużi mill-analiżi tal-iżvilupp tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fis-suq tal-Unjoni u tal-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni.

(70)

Il-volum u s-sehem mis-suq ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina ġew stabbiliti abbażi tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u ġew żviluppati kif ġej:

Tabella 3

Il-volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet soġġetti għal miżuri

Pajjiż

 

2012

2013

2014

PIR

Iċ-Ċina

Il-volum (f'tunnellati)

44 484

48 339

60 078

57 465

Indiċi

100

109

135

129

Sehem mis-suq (%)

22,6

23,1

27

26,5

Sehem mis-suq fir-rigward tal-konsum flimkien mal-użu ristrett flimkien mal-użu ristrett (%)

21,3

21,8

25,5

24,9

Sors: Bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

(71)

Filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping kienu jgħoddu għal sehem mis-suq ta' 18,8 % u għal 38 404 tunnellati matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, dawn żdiedu b'mod konsiderevoli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni f'dan ir-rieżami. L-importazzjonijiet oġġett ta' dumping żdiedu minn 44 484 għal 57 465 tunnellata tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u ammontaw għal 26,5 % tas-sehem mis-suq matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(b)   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet soġġetti għal miżuri mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(72)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u, bħala medja, naqsu bi 12 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

Tabella 4

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet soġġetti għal miżuri

Pajjiż

 

2012

2013

2014

PIR

Iċ-Ċina

Prezz medju (EUR/kg)

1,79

1,63

1,54

1,57

Indiċi

100

91

86

88

Sors: Bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

(73)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi u, għalhekk, in-nuqqas ta' dejta dwar il-prezz tal-esportazzjoni relatat mat-tip ta' prodott, il-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel tqabbil iddettaljat tal-prezzijiet skont it-tip ta' prodott. Għal dawn ir-raġunijiet, il-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz saru fuq il-bażi ta' tqabbil bejn il-prezzijiet medji tal-esportazzjonijiet Ċiniżi soġġetti għall-miżuri u l-prezzijiet medji tal-Industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. Wara l-aġġustar għar-rata tad-dazju doganali konvenzjonali ta' 4 %, ġie stabbilit marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ta' 22,7 %. L-investigazzjoni oriġinali sabet marġni ta' twaqqigħ tal-prezz simili ta' 24,1 %. Madankollu, dan il-marġni kien ibbażat fuq tqabbil tat-tip ta' prodott komparabbli, peress li l-esportaturi Ċiniżi kienu kkooperaw f'dak il-każ.

(74)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm imġiba konsistenti min-naħa tal-esportaturi tar-RPĊ fit-twaqqigħ tal-prezz tal-prezzijiet tal-produtturi tal-UE.

(75)

Parti interessata ddikjarat li l-importazzjonijiet mhux oġġett ta' dumping kellhom jiġu inklużi fil-kalkolu tat-twaqqigħ fil-prezz.

(76)

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li din l-inklużjoni mhijiex iċċertifikata, abbażi tal-applikazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Ftehim Antidumping ipprovdut mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO fil-każ Beef and rice  (19), kif diġà ssemma aktar 'il fuq fil-premessa 35.

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(77)

B'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat l-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi rilevanti kollha għal evalwazzjoni tal-istat tal-industrija tal-Unjoni mill-2012 sal-aħħar tal-PIR.

(78)

Biex għamlet dan, il-Kummissjoni ddistingwiet bejn l-indikaturi tal-ħsara makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. L-indikaturi makroekonomiċi għall-perjodu taħt kunsiderazzjoni ġew stabbiliti, analizzati u eżaminati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni. L-indikaturi mikroekonomiċi ġew stabbiliti fuq il-bażi tad-dejta miġbura u vverifikata fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw. Minħabba problemi ta' rikonċiljazzjoni rigward id-dejta ta' sussidjarja minnhom tal-grupp DuraFiber wara r-riorganizzazzjoni tagħha (DuraFiber Technologies (DFT) GmbH, il-Ġermanja), id-dejta ppreżentata u t-tweġiba għall-kwestjonarju tagħha ġew esklużi mid-determinazzjoni tal-indikaturi mikroekonomiċi.

(79)

Parti interessata ddikjarat li l-esklużjoni ta' DuraFiber Germany possibbilment biddlet l-indikaturi tal-ħsara b'mod fundamentali.

(80)

L-ewwel nett ta' min jinnota li l-esklużjoni tad-dejta parzjalment verifikata minn DuraFiber Germany affettwat biss it-twaqqif tal-indikaturi mikroekonomiċi. Għaldaqstant, l-analiżi tal-indikaturi makroekonomiċi mhijiex affettwata. Barra minn hekk, dawn il-mikroindikaturi kienu bbażati fuq id-dejta tal-erba' (4) produtturi tal-Unjoni li jifdal li jirrappreżentaw madwar 80 % tal-produzzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-indikaturi speċifiċi baqgħu rappreżentattivi għall-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, id-dejta parzjalment verifikata pprovduta minn DuraFiber Germany ġeneralment segwiet it-tendenza tal-indikaturi mikroekonomiċi tal-erba' produtturi tal-Unjoni li d-dejta tagħhom ġiet meqjusa.

(81)

Fid-dawl taż-żewġ kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, ġie konkluż li l-esklużjoni ta' DuraFiber Germany mill-analiżi tal-mikroindikaturi ma biddlitx it-tendenzi tal-indikaturi tal-ħsara u l-konklużjonijiet korrespondenti huma għaldaqstant rappreżentattivi tal-industrija ġenerali.

(82)

Fit-taqsimiet li ġejjin, l-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, stokks, il-volum tal-bejgħ, sehem mis-suq u t-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs reali tal-marġini ta' dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti. L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost tal-produzzjoni, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, il-possibbiltà li jiżdied il-kapital u l-kostijiet tal-manodopera.

Indikaturi makroekonomiċi

(a)   Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità

(83)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2012

2013

2014

PIR

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

92 753

91 985

93 990

92 461

Volum tal-produzzjoni (Indiċi)

100

99

101

100

Kapaċità ta' produzzjoni (tunnellati)

109 398

108 869

108 690

110 285

Kapaċità ta' produzzjoni (Indiċi)

100

100

99

101

Użu tal-kapaċità (%)

85

84

86

84

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju.

(84)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità baqgħu stabbli.

(b)   Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

(85)

Il-volumi tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2012

2013

2014

PIR

Volum tal-bejgħ fl-Unjoni (tunnellati)

67 527

69 407

68 007

65 733

Volum tal-bejgħ fl-Unjoni (Indiċi)

100

103

101

97

Sehem mis-suq (%)

34,4

33,2

30,6

30,3

Sors: Bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u tweġibiet għall-kwestjonarju.

(86)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas bi -3 % u s-sehem mis-suq rispettiv tagħha naqas b'4,1 punti perċentwali, minn 34,4 % għal 30,3 % tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(c)   It-tkabbir

(87)

Filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied bi 11 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b' – 3 %.

(d)   Impjiegi u produttività

(88)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 7

Impjiegi u produttività

 

2012

2013

2014

PIR

Għadd ta' impjegati

941

875

902

911

Numru ta' impjegati (Indiċi)

100

93

96

97

Produttività (unità/impjegat)

98,6

105,2

104,2

101,5

Produttività (unità/impjegat) (Indiċi)

100

107

106

103

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(89)

L-impjiegi naqsu bi – 3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Fl-istess ħin, il-produttività żdiedet bi 3 % kif jidher fit-Tabella 7 fil-premessa 88.

(e)   Il-kobor tal-marġini tad-dumping u l-irkupru mid-dumping passat

(90)

Il-marġni tad-dumping stabbilit għaċ-Ċina fl-investigazzjoni oriġinali kien ferm ogħla mil-limitu de minimis. L-investigazzjoni stabbilixxiet li l-importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri miċ-Ċina komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping. Il-marġni ta' dumping stabbilit matul dan il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami kien ukoll ħafna ogħla mil-livell de minimis, ara l-premessa 38. Dan ikkoinċida ma' żieda fil-volumi ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina bi prezzijiet dejjem anqas, li rriżultaw fi gwadann tas-sehem mis-suq matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Konsegwentement, l-industrija tal-Unjoni tilfet is-sehem mis-suq kif ukoll il-volum ta' bejgħ matul l-istess perjodu. Madankollu, irnexxielha tnaqqas it-telf tagħha.

Indikaturi mikroekonomiċi

(f)   Il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(91)

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Il-prezzijiet medji tal-bejgħ

 

2012

2013

2014

PIR

Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (EUR/kg)

2,39

2,31

2,23

2,17

Prezz medju tal-bejgħ ta' unità fl-Unjoni (Indiċi)

100

97

93

91

Kost ta' produzzjoni għal kull unità (EUR/kg)

2,50

2,43

2,26

2,19

Kost ta' produzzjoni għal kull unità (Indiċi)

100

97

90

87

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(92)

Il-prezz tal-bejgħ għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni naqas b'9 %. Dan huwa spjegat f'parti minnu mit-tnaqqis bi 13 % tal-kost ta' produzzjoni għal kull unità. Madankollu, il-prezzijiet naqsu inqas mill-ispejjeż, u dan jispjega l-impatt pożittiv fil-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kif jidher hawn taħt fil-premessa 98.

(g)   Kostijiet lavorattivi

(93)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2012

2013

2014

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

39 273

41 674

39 711

39 850

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (Indiċi)

100

106

101

101

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(94)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat baqgħu stabbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Dan jista' jiġi spjegat prinċipalment biż-żieda fl-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tikkontrolla l-kost tal-produzzjoni u b'hekk iżżomm il-kompetittività tagħha.

(h)   Inventarji

(95)

Il-livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Inventarji

 

2012

2013

2014

PIR

Stokkijiet tal-għeluq (tunnellati)

8 050

6 872

8 244

8 387

Stokkijiet tal-għeluq (Indiċi)

100

85

102

104

L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

8,7

7,5

8,8

9,1

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(96)

Matul il-perjodu kkunsidrat, l-istokkijiet tal-industrija tal-Unjoni kumplessivament żdiedu b'4 %. Sehem sinifikanti mill-produzzjoni tal-ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri jikkonsisti fi prodotti standard. Għalhekk l-industrija tal-Unjoni trid iżżomm ċertu livell ta' stokk sabiex tkun f'pożizzjoni biex tissodisfa malajr id-domanda tal-konsumaturi tagħha. L-istokk tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni baqgħet relattivament stabbli, wara l-evoluzzjoni tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

(i)   Il-profittabbiltà, il-fluss ta' flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

(97)

Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 11

Profittabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redittu fuq l-investimenti

 

2012

2013

2014

PIR

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

– 4,7

– 5,3

– 1,4

– 1,1

Fluss tal-flus (EUR)

– 2 993 463

– 4 156 375

– 4 895 147

– 2 111 763

Il-fluss tal-flus Indiċi

– 100

– 139

– 164

– 71

Investimenti (EUR)

2 313 235

1 284 905

3 511 528

12 801 375

Investimenti Indiċi

100

56

152

553

Redditu fuq l-investimenti (%)

– 4,3

– 4,2

– 2,0

– 1,4

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju.

(98)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat tagħha. Il-profittabbiltà kienet għadha negattiva, għad li tjiebet minn – 4,7 % għal – 1,1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Madankollu din xorta hija anqas mill-profitt fil-mira ta' 3 % stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(99)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja waħedha l-attività tagħha u li dan kien negattiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għad li l-indikatur irreġistra titjib sinifikanti ta' 29 %, dan għadu negattiv. Dan iqajjem tħassib dwar il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tkompli għaddejja bl-iffinanzjar proprju neċessarju tal-attivitajiet tagħha.

(100)

L-investimenti żdiedu b'mod sinifikanti matul il-perjodu, primarjament sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' manutenzjoni, b'parti żgħira li tikkorrispondi għal modernizzazzjoni, u dan ħalla impatt żgħir fuq l-espansjoni tal-kapaċità.

(101)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt nett f'perċentwal tal-valur kontabilistiku gross tal-investimenti. Dan l-indikatur żdied minn – 4,3 % għal – 1,4 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni bħala riżultat tal-profittabbiltà dejjem akbar u tal-istaġnar fl-investimenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(102)

B'kunsiderazzjoni tal-profittabbiltà negattiva u tal-fluss tal-flus negattiv, il-ħila tal-kumpanija li tiġġenera kapital baqgħet limitata ħafna.

(j)   Konklużjoni dwar id-dannu

(103)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ħafna mill-indikaturi tad-dannu importanti tal-industrija tal-Unjoni wrew xejra negattiva. Is-sehem mis-suq tagħha naqas b'4,1 punti perċentwali minn 34,4 % għal 30,3 %, il-volum tal-bejgħ u l-prezz tal-bejgħ għal kull unità fl-UE naqas bi 3 % u b'9 %, rispettivament. Fl-istess ħin, l-impjiegi naqsu bi 3 %, il-volum tal-bejgħ tal-esportazzjonijiet lejn kumpaniji mhux relatati naqas bi 28 %, u l-prezzijiet tal-bejgħ mill-esportazzjonijiet għal kull unità naqsu bi 17 %. Il-produttività żdiedet bi 2,9 %.

(104)

Minkejja t-tendenzi ta' hawn fuq, il-profittabbiltà tjiebet minn – 4,7 % għal – 1,1 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Għad li dan huwa titjib konsiderevoli meta mqabbel mal-profittabbiltà tal-Industrija tal-Unjoni matul il-PI tal-investigazzjoni orġinali (mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009) li kienet ta' – 13,3 %, il-profittabbiltà għadha negattiva. Is-sitwazzjoni ta' telf tal-Industrija tal-Unjoni rriżultat f'redditu fuq l-investiment negattiv kontinwu. Minkejja dan, il-fluss tal-flus tjieb.

(105)

L-investigazzjoni oriġinali kkonkludiet li s-sehem mis-suq ta' 18,8 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi li nstabu li kienu oġġett ta' dumping u li waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b'24,1 % kien biżżejjed sabiex jikkaġuna dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni. Instabet sitwazzjoni komparabbli matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami. L-importazzjonijiet oġġett ta' dumping Ċiniżi rrappreżentaw 26,5 % tas-sehem mis-suq u waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni bi 18,6 % kif spjegat hawn taħt fil-premessa 110.

(106)

Parti interessata ddikjarat li l-industrija tal-Unjoni ma ġġarrabx ħsara materjali, billi l-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità jibqgħu stabbli. L-evoluzzjoni ta' indikaturi oħrajn bħall-volumi tal-bejgħ u s-sehem mis-suq jitqiesu affettwati ħażin bid-definizzjoni żbaljata ta' konsum kif allegat fil-premessa 66.

(107)

L-allegazzjoni ta' kalkolu ħażin tal-konsum ġiet miċħuda fil-premessa 67. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar mill-fatturi ta' ħsara relevanti, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva. Għaldaqstant, il-fatt li xi fatturi baqgħu stabbli ma jbiddilx il-konklużjonijiet dwar il-ħsara.

(108)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni għadha qiegħda ssofri dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.

5.   Il-kawżalità

(109)

Fid-dawl tas-sejbiet ta' hawn fuq ta' dannu materjali, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina kkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fl-istess ħin kienx hemm fatturi magħrufin oħrajn li setgħu kienu ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.   Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping

(110)

L-Industrija tal-Unjoni għadha f'sitwazzjoni ta' rkupru parzjali fraġli u huwa meqjus li, minkejja l-miżuri fis-seħħ, l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina komplew jikkawżaw dannu materjali. Meta jitqies l-effett ikkombinat tal-ispejjeż wara l-importazzjoni ta 2,7 % kif ivverifikat fil-livell ta' importaturi mhux relatati li jikkooperaw, ir-rata tad-dazji doganali ta'4 % u d-dazji antidumping imħallsa matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping Ċiniżi xorta nstabu li jwaqqgħu il-prezz medju tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni b'mod sinifikanti bi 18,6 %. Dawn l-importazzjonijiet komplew jiżdiedu fl-aħħar snin ukoll, u dan ħalla impatt negattiv fuq is-suq ġenerali billi baxxa l-prezzijiet u kkontribwixxa għat-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Il-pressjoni ssoktata eżerċitata fuq is-suq tal-Unjoni ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni sabiex tibbenefika bis-sħiħ mit-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima.

(111)

Parti interessata ddikjarat in-nuqqas ta' korrelazzjoni bejn il-prezzijiet Ċiniżi u l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(112)

Madankollu, din l-analiżi kienet ibbażata fuq tendenzi għall-perjodu mill-2011 sal-2015 li huma differenti mill-perjodu kkunsidrat fl-investigazzjoni attwali, li hu mill-2012 sal-PIR (li ntemm f'Settembru 2015). Għaldaqstant, din l-analiżi ma tistax titqies. F'kull każ, ta' min jinnota li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping Ċiniżi ġeneralment naqsu matul il-perjodu kkunsidrat u waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Il-fatt li għal ċerti snin (il-PIR) il-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi żdied u s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma ddeterjoratx ma jpoġġix f'dubju l-validità ta' dik l-osservazzjoni. Għaldaqstant, l-istqarrija ġiet miċħuda.

5.2.   Effetti ta' fatturi oħrajn

(113)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni, is-sehem ta' produzzjoni maħsuba għall-użu intern ma nstabx li huwa sinifikanti. Madwar 15 % biss mill-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni tintuża internament. Ġeneralment, volum ogħla ta' produzzjoni jwassal għal ekonomiji ta' skala li huma ta' benefiċċju għall-produttur ikkonċernat. Parti żgħira biss mill-industrija tal-Unjoni hija integrata vertikalment u l-produzzjoni maħsuba għall-użu intern tintuża għal ipproċessar ulterjuri fi prodotti ta' valur miżjud fl-industrija downstream. L-investigazzjoni ma wriet ebda problema fil-produzzjoni li hija relatata ma' dawn il-prodotti downstream. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-produzzjoni maħsuba għall-użu intern tal-industrija tal-Unjoni ma kellhom l-ebda impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(114)

Pajjiżi esportaturi ewlenin għall-Unjoni huma r-Repubblika tal-Korea, it-Tajwan, l-Iżvizzera, il-Belarussja u t-Turkija. L-importazzjonijiet totali tal-prodott ikkonċernat minn pajjiżi terzi inklużi importazzjonijiet mhux soġġetti għal miżuri miċ-Ċina żdiedu bi 11 % (minn 84 467 għal 93 973 tunnellata) waqt il-perjodu kkunsidrat u jirrappreżentaw 43,3 % tal-konsum tal-Unjoni. Matul l-istess perjodu, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni għal kull unità kienu qed jonqsu b'mod konsistenti minn EUR 2,19 għal EUR 2,09 għal kull kg, tnaqqis ta' 4 %. Instabet ukoll tendenza ta' tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjoni f'ħafna mill-esportaturi ta' pajjiżi terzi oħrajn għas-suq tal-Unjoni (il-Korea – 7 %, l-Iżvizzera – 15 %, il-Belarussja – 13 %, it-Turkija – 6 %). Fl-istess ħin, il-prezzijiet tal-importazzjoni għal kull unità mhux soġġetti għall-miżuri mir-RPĊ naqsu bi 3 % biss.

Tabella 12

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Pajjiż

 

2012

2013

2014

PIR

Iċ-Ċina (importazzjonijiet mhux soġġetti għal miżuri)

Volumi (tunnellati)

29 109

33 865

36 977

39 742

Indiċi

100

116

127

137

Sehem mis-suq (%)

14,8

16,2

16,6

18,3

Prezz medju (EUR/kg)

1,75

1,72

1,69

1,69

Indiċi

100

99

97

97

Ir-Repubblika tal-Korea

Volumi (tunnellati)

27 948

31 145

33 048

32 545

Indiċi

100

111

118

116

Sehem mis-suq

14,2

14,9

14,9

15,0

Prezz medju (EUR/kg)

2,15

2,13

2,03

2,01

Indiċi

100

99

95

93

It-Tajwan

Volumi (tunnellati)

10 153

9 599

9 251

8 364

Indiċi

100

95

91

82

Sehem mis-suq (%)

5,2

4,6

4,2

3,9

Prezz medju (EUR/kg)

1,78

1,91

1,85

1,90

Indiċi

100

107

104

107

L-Iżvizzera

Volumi (tunnellati)

5 610

5 263

4 895

5 190

Indiċi

100

94

87

93

Sehem mis-suq (%)

2,9

2,5

2,2

2,4

Prezz medju (EUR/kg)

4,30

4,09

4,01

3,66

Indiċi

100

95

93

85

Il-Belarussja

Volumi (tunnellati)

3 384

3 189

3 344

2 374

Indiċi

100

94

99

70

Sehem mis-suq (%)

1,7

1,5

1,5

1,1

Prezz medju (EUR/kg)

2,13

2,06

1,99

1,86

Indiċi

100

97

93

87

It-Turkija

Volumi (tunnellati)

1 443

1 545

1 455

1 594

Indiċi

100

107

101

110

Sehem mis-suq (%)

0,7

0,7

0,7

0,7

Prezz medju (EUR/kg)

2,95

2,66

2,65

2,77

Indiċi

100

90

90

94

Pajjiżi terzi totali inklużi importazzjonijiet mhux soġġetti għal miżuri miċ-Ċina

Volumi (tunnellati)

84 467

91 330

94 222

93 973

Indiċi

100

108

112

111

Sehem mis-suq (%)

43,0

43,7

42,4

43,3

Prezz medju (EUR/kg)

2,19

2,15

2,10

2,09

Indiċi

100

98

96

96

Sors: Bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6).

(115)

Kif jidher fit-Tabella 12, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn u t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina mhux soġġetti għal miżuri ma kinux sinifikanti tant li jistgħu jitqiesu li huma l-kawża tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami.

(116)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti fir-rigward tar-raġunijiet għas-sitwazzjoni negattiva attwali tal-industrija tal-Unjoni bħall-evoluzzjoni fil-prezzijiet tal-materja prima, nuqqas ta' investimenti u ta' modernizzazzjoni, ġestjoni ħażina u nuqqas ta' viżjoni, metodi ta' produzzjoni skaduti, nuqqas ta' impjanti fuq skala kbira u kwalità baxxa tal-prodotti mmanifatturati. L-investigazzjoni wriet li s-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tiġi attribwita għal dawn ir-raġunijiet. Minflok, sabet li l-industrija tal-Unjoni kompliet topera b'mod effettiv f'suq kompetittiv ħafna, ottimizzat l-użu tal-assi eżistenti, bla ma investiet wisq fl-espansjoni tal-kapaċità u fl-immodernizzar, sabiex b'hekk irnexxielha żżid il-profittabbiltà tagħha wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi fl-2010. Għalhekk, dawn id-dikjarazzjonijiet ġew miċħudin.

(117)

Parti interessata tenniet li l-investimenti allegatament sinifikanti tal-industrija tal-Unjoni affettwaw il-fluss tal-flus u l-profitt tal-industrija tal-Unjoni u li dan l-effett ma kellux jiġi attribwit lill-importazzjonijiet Ċiniżi u li dawn il-fatturi kellhom jiġu inkorporati f'analiżi separata ta' nonattribuzzjoni.

(118)

L-ewwel nett, minkejja l-investimenti li saru matul il-PIR, il-profitt u l-fluss tal-flus tal-industrija tal-Unjoni tjieb, u dan jenfasizza li dawn l-investimenti kienu ċċertifikati u kellhom effett pożittiv. It-tieni nett, il-profitt jista' jiġi influwenzat biss mid-deprezzamenti pro rata temporis relatati mal-investimenti u l-ispejjeż finanzjarji mġarrbin mill-kumpaniji filwaqt li jiffinanzjaw l-investimenti. Fl-aħħar nett, billi d-deprezzamenti huma spejjeż deduċibbli li mhumiex akkumpanjati minn ħruġ ta' flus, il-fluss tal-flus tal-industrija tal-Unjoni ma jistax jiġi affettwat direttament minnhom, l-ispejjeż finanzjarji biss ikollhom effett.

(119)

Xi partijiet iddikjaraw ukoll li kien hemm jew nuqqas ta' dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, jew li d-dannu kien ikkawżat minn pajjiżi oħrajn. Peress li nstab li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina baqgħu jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u kienu anqas mill-prezzijiet tal-importazzjoni mill-pajjiżi l-oħrajn, din id-dikjarazzjoni ġiet miċħuda.

(120)

Parti interessata saħqet li l-Kummissjoni kellha tispjega aħjar l-impatt ta' fatturi oħrajn ta' kawżalità fl-hekk imsejħa analiżi ta' nonattribuzzjoni tagħha.

(121)

F'dan ir-rigward, ta' min jenfasizza li l-iskop tal-analiżi ta' nonattribuzzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk ir-rabta ta' kawżalità osservata bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u l-ħsara materjali tal-industrija tal-Unjoni setgħu nkisru b'fattur ieħor, u dan jagħmel il-kawżalità improbabbli jew anki impossibbli. L-ebda wieħed mill-fatturi meqjusa ma kellu din il-kwalità u għaldaqstant l-istqarrja ġiet miċħuda.

5.3.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(122)

Għad li fatturi oħrajn setgħu kkontribwixxew għad-dannu wkoll, dawn ma nstabux li kienu biżżejjed sabiex ikissru l-kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina u d-dannu tal-industrija tal-Unjoni.

E.   IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAD-DANNU

(123)

Instab li l-esportaturi Ċiniżi kellhom kapaċità żejda eċċessiva matul il-perjodu meqjus kif indikat fil-premessa 50 meta mqabbel mad-daqs tas-suq Ewropew.

(124)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn is-suq tal-Unjoni żdiedu b'mod sinifikanti b'29 %. Kif imsemmi fil-premessa 54, iċ-Ċina esportat il-prodott ikkonċernat lejn is-suq tal-Unjoni prinċipalment bi prezzijiet ogħla mill-bqija tad-dinja. L-investigazzjoni ma sabet ebda evidenza li din is-sitwazzjoni se tinbidel, tal-inqas fit-terminu qasir. Għaldaqstant, is-suq tal-Unjoni nstab li huwa kemxejn attraenti għall-esportaturi Ċiniżi minħabba l-opportunità li jiġu esportati kwantitajiet sinifikanti bi prezzijiet ogħla mill-bqija tad-dinja.

(125)

L-investigazzjoni wriet li 60 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi saru bi prezzijiet oġġett ta' dumping u li kien hemm probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. L-importazzjonijiet oġġett ta' dumping miċ-Ċina komplew iwaqqgħu l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni b'mod sinifikanti f'livelli simili għal dawk li nstabu fl-investigazzjoni inizjali. Speċifikament, instab li l-importazzjonijiet Ċiniżi soġġetti għal miżuri jwaqqgħu l-prezz bi 22,8 % li juri mġiba aggressiva fl-ipprezzar. Dan aktarx li jkompli jbaxxi l-prezzijiet u jxekkel l-irkupru fraġli tal-industrija tal-Unjoni. B'hekk, hemm riskju ċar li d-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni se jkompli jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

(126)

Fid-dawl ta' dak li ntqal, huwa konkluż li t-tħassir tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina x'aktarx li jirriżulta fil-kontinwazzjoni tad-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(127)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti kontra ċ-Ċina tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija, tal-importaturi u tal-utenti tal-Unjoni.

(128)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(129)

Fuq din il-bażi l-Kummissjoni eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping u ta' dannu, eżistewx raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti.

1.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(130)

L-industrija tal-Unjoni tilfet b'mod konsistenti sehem mis-suq u ġarrbet ħsara materjali matul il-perjodu meqjus. Minkejja dan, tejbet il-profittabbiltà tagħha għal livell li huwa qrib il-punt ta' ekwilibriju (iżda xorta negattiv) filwaqt li l-bejgħ baqa' kważi fl-istess livell. Dan l-iżvilupp lejn l-istabbiltà fis-suq huwa ferm probabbli attribwibbli għall-miżuri fis-seħħ. Jekk il-miżuri jitħassru, l-industrija tal-Unjoni wisq probabbli tispiċċa f'qagħda saħansitra agħar.

(131)

Għaldaqstant, ġie konkluż li ż-żamma fis-seħħ tal-miżuri kontra ċ-Ċina jkun fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

2.   L-interess tal-importaturi/tan-negozjanti

(132)

Ħmistax-il importatur mhux relatat imlew formoli tal-kampjunar fl-istadju tal-bidu, u għalhekk ġie deċiż li għandhom jiġu applikati provvedimenti fuq il-kampjunar. Intgħażlu tliet importaturi u dawn intalbu jimlew kwestjonarju. Finalment, importatur wieħed biss ippreżenta tweġiba għall-kwestjonarju li kienet ivverifikata.

(133)

L-investigazzjoni sabet li l-kumpanija kienet timporta minn produttur Ċiniż wieħed soġġett għall-miżuri, li miegħu kellha relazzjoni kummerċjali fit-tul. L-investigazzjoni wriet li l-impatt tal-miżuri fis-seħħ fuq il-kumpanija ma kienx sinifikanti. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li l-importatur iddeċieda li ma jbiddilx is-sors tal-provvista minkejja l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali.

3.   L-interess tal-utenti

(134)

Ħamsa u għoxrin utent daħlu f'kuntatt fl-istadju tal-bidu u talbu li jimlew kwestjonarju. Finalment, ġew riċevuti tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand erba' utenti biss. Saru żjarat għandhom kollha u d-dejta li ppreżentaw ġiet ivverifikata. Madankollu, jidher ċar li kien hemm ferm anqas parteċipazzjoni mill-industrija tal-utenti f'dan ir-rieżami ta' skadenza milli kien hemm meta kienu imposti l-ewwel miżuri. Fl-investigazzjoni oriġinali 33 utent ikkooperaw mal-investigazzjoni filwaqt li erbgħa biss ħadu sehem fir-rieżami ta' skadenza. Jidher li l-maġġoranza tal-utenti kienet kapaċi taġġusta għall-impożizzjoni tal-miżuri b'detriment żgħir għall-operazzjonijiet tagħhom.

(135)

Għal utent minnhom, li kien attiv fl-industrija tal-ħajt għall-ħjata, il-Kummissjoni sabet li l-impatt tal-miżuri attwali fuq il-kostijiet u fuq il-profittabbiltà tiegħu ma kienx sinifikanti. Għat-tliet utenti l-oħrajn, li lkoll jimportaw HTY miċ-Ċina u li kienu attivi fl-industrija tal-insiġ (ċinturini, ċineg, rada, eċċ.), instab li għad li l-impatt tal-miżuri attwali fuq il-kostijiet tagħhom kien żgħir, l-impatt fuq il-profittabbiltà kien inħass aktar, peress li dawn il-kumpaniji jwettqu n-negozju tagħhom b'marġini ta' profitt baxxi ħafna. Madankollu, jidher li l-impatt tad-dazji kien limitat billi kien hemm ħafna fornituri alternattivi disponibbli bi prezzijiet kompetittivi.

(136)

L-utenti li għamlu sottomissjonijiet, ikkumentaw fuq problemi li esperjenzaw mal-produtturi tal-Unjoni, bħal nuqqas ta' kapaċità, nuqqas ta' ċerti kwalitajiet u twassil mhux fil-ħin. L-utenti ddikjaraw li l-miżuri eżistenti (0 %–9,8 %) flimkien mad-dazju tal-importazzjoni regolari ta' 4 % ibbenefikaw lill-kompetituri tagħhom sabiex jimportaw prodotti downstream fis-suq tal-UE bi prezzijiet orħos peress li l-kompetituri tagħhom ma għandhomx bżonn iħallsu dazji għall-materja prima tagħhom (il-prodott ikkonċernat). Jemmnu li din is-sitwazzjoni se twassal għal trasferiment ulterjuri tal-operazzjonijiet downstream lejn postijiet barra mill-UE u jpoġġu f'riskju l-futur tal-allegati 4 000 impjegat fl-industrija tagħhom. L-investigazzjoni sabet li l-evidenza li tappoġġa dawn id-dikjarazzjonijiet ma setgħetx issostni li dawn kienu problemi rikorrenti u strutturali fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni.

(137)

L-ewwel ta' min ifakkar li l-kooperazzjoni mill-utenti f'din l-investigazzjoni kienet kemxejn limitata meta mqabbla mal-kooperazzjoni fl-investigazzjoni oriġinali (33 utent ikkooperaw fiha), u għalhekk il-problemi ta' hawn fuq aktarx li mhumiex komuni għall-utenti kollha li joperaw fis-suq tal-Unjoni.

(138)

Rigward id-dikjarazzjonijiet speċifiċi tal-utenti li kkooperaw, l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni għad għandha biżżejjed kapaċità mhux użata (l-użu tal-kapaċità matul il-perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami kien ta' 84 %) u toffri firxa wiesgħa ta' prodotti u ta' kwalitajiet. Barra minn hekk, minbarra l-ħames produtturi fl-UE, hemm ħafna fornituri alternattivi minn pajjiżi terzi oħrajn bi prezzijiet kompetittivi u b'firxa wiesgħa ta' prodotti, inklużi importazzjonijiet Ċiniżi mhux soġġetti għad-dazji antidumping. Minħabba l-livell ta' dazju antidumping relattivament baxx u l-fatt li sehem kbir tal-importazzjonijiet miċ-Ċina mhuwiex soġġett għal miżuri, huwa aktar improbabbli li l-miżuri fis-seħħ se jkunu fattur determinanti għar-rilokazzjoni allegata tal-industriji downstream. Finalment, l-evidenza ta' konsenji mhux fil-ħin kienet negliġibbli.

(139)

Fir-rigward tal-użu tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami, parti interessata ddikjarat li livell ta' użu tal-kapaċità ta' 84 % jirrappreżenta kważi l-kapaċità sħiħa u għaldaqstant ma kienx hemm biżżejjed kapaċità mhux użata disponibbli.

(140)

L-investigazzjoni wriet li l-produzzjoni medja tal-iskart tal-industrija tal-Unjoni kienet madwar 6 % tal-produzzjoni totali matul il-PIR, li b'dak il-mod tikkorrispondi għal użu tal-kapaċità massima teoretika ta' 94 %, li hija stima aktar raġonevoli ta' użu tal-kapaċità sħiħa mill-84 % msemmija fit-talba. Abbażi tal-kapaċità żejda li jifdal ta' mill-inqas 10 %, it-talba ġiet miċħuda.

(141)

L-istess parti interessata ddikjarat li l-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi mhux Ċiniżi mhumiex kapaċi jissodisfaw id-domanda totali u d-daqs tal-ordnijiet uniċi tal-industrija tal-utenti Ewropej.

(142)

Ta' min jinnota li t-tkomplija tal-miżuri ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tas-suq sottostanti eżistenti. L-investigazzjoni ma kixfet l-ebda bidliet fundamentali fid-domandi tal-utenti rigward id-daqs jew il-kwalità tal-ordnijiet. Barra minn hekk, huwa fatt stabbilit li l-industrija tal-Unjoni ma tistax tissodisfa d-domanda tas-suq waħidha u li l-importazzjonijiet huma meħtieġa f'dan ir-rigward. Barra minn hekk, u aktar importanti, l-objettiv tal-miżuri antidumping huwa li jerġgħu jintlaħqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u kundizzjonijiet ta' kummerċ ġust fost il-partijiet kollha kkonċernati billi titneħħa l-ħsara materjali kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping Ċiniżi. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda ħtieġa li l-Industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tforni s-suq tal-Unjoni waħidha. F'dan il-każ, hemm importazzjonijiet minn ħafna sorsi differenti, u l-importazzjonijiet soġġetti għal miżuri komplew ukoll minkejja l-preżenza tal-miżuri. Għaldaqstant, it-tkomplija tal-miżuri fil-forma attwali tagħhom u fil-livell attwali tagħhom ma jwaqqfux lill-utenti milli jiksbu l-prodott Ċiniż. F'dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament antidumping ġew rispettati u b'konsegwenza ta' dan jenħtieġ li l-argument jiġi miċħud.

(143)

Intqal ukoll li l-produtturi Ewropej ma sfruttawx id-dazji antidumping biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom jew biex jimmodernizzaw it-tagħmir tagħhom, u dan għamilhom inkapaċi li jżommu s-sehem tagħhom mis-suq f'suq li qed jikber u poġġihom f'pożizzjoni komda ħafna mingħajr ma ppruvaw ikunu kompetittivi.

(144)

L-ewwel nett ta' min ifakkar, kif intqal hawn fuq, li l-objettiv tal-miżuri antidumping huwa li jitneħħa dumping dannuż, u ma hemm l-ebda rekwiżit legali li jinħtieġ li l-industrija tal-Unjoni tirristruttura jew timmodernizza.

(145)

F'kull każ, kif diġà jidher fil-premessa 138 l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi żżid il-bejgħ tagħha billi kien hemm biżżejjed kapaċità żejda disponibbli. Barra minn hekk, l-evoluzzjoni pożittiva tal-profittabbiltà turi li l-metodi tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni xorta huma kompetittivi f'suq li huwa protett mill-prattiki tad-dumping. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni assolutament ma tistax titqies bħala komda ħafna, billi l-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni kompliet issofri ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat billi tilfet is-sehem mis-suq u għamlet telf. Hija eżattament is-sitwazzjoni fraġli tal-industrija tal-Unjoni kkawżata mill-inqas parzjalment minn prattiki passati ta' dumping u t-twaqqigħ kontinwu tal-prezzijiet tagħha li pprevenew l-industrija tal-Unjoni milli tinvesti ħafna f'espansjoni tal-kapaċità u modernizzazzjoni evidenti.

(146)

Talba oħra tirrigwarda l-migrazzjoni ta' industriji downstream minħabba l-eżistenza tad-dazji antiduming. It-talba kienet appoġġata billi saret referenza għal sottomissjoni u seduta aktar bikrija li fiha saret l-istess allegazzjoni.

(147)

Ta' min jinnota li l-investigazzjoni sabet li l-impatt fuq il-profittabbiltà tal-utenti kampjunati kien limitat u għaldaqstant ma jistax jitqies bħala d-determinant għall-migrazzjoni tal-industrija tal-utenti tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-tkomplija tal-miżuri sseħħ fl-istess livell bħal qabel. Fl-aħħar nett, is-sottomissjoni li takkumpanja s-seduta ma telenka l-ebda kumpanija li effettivament emigrat.

(148)

Importatur ippreżenta talba rigward id-diffikultà ekonomika marbuta mat-tibdil fil-fornituri tal-prodott ikkonċernat minħabba l-perjodu twil meħtieġ għall-fażi tal-ittestjar u r-riskju li jintilfu l-klijenti f'każ ta' kwalità instabbli u twassil irregolari.

(149)

F'dan ir-rigward, ta' min jinnota li għadda perjodu ta' kważi sitt snin li matulu l-miżuri kienu fis-seħħ, u li dan jista' jitqies bħala żmien biżżejjed biex importatur isib fornituri alternattivi, anki fl-isfond tal-ittestjar li jieħu l-ħin.

4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(150)

Fuq il-bażi ta' dan li ntqal hawn fuq, l-investigazzjoni kkonkludiet li l-impatt tal-miżuri fuq l-utenti u fuq l-importaturi mhuwiex sinifikanti u li, għalhekk, ma hemm ebda raġuni ovvja għat-terminazzjoni tal-miżuri fuq il-bażi tal-interess tal-Unjoni.

G.   MIŻURI ANTIDUMPING

(151)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jibqgħu fis-seħħ il-miżuri eżistenti. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu kummenti wara dan l-iżvelar. Il-preżentazzjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta.

(152)

B'hekk huwa ċar minn dan imsemmi hawn fuq li kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jinħtieġ li jinżammu l-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri li joriġinaw miċ-Ċina, imposti mir-Regolament (UE) Nru 1105/2010.

(153)

Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' evażjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li f'dan il-każ huma meħtieġa miżuri speċjali biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji antidumping. Dawn il-miżuri speċjali, li japplikaw għal kumpaniji li għalihom tkun introdotta rata individwali tad-dazju, jinkludu dan li ġej: il-preżentazzjoni ta' fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b'tali fattura gћandhom ikunu soġġetti gћad-dazju antidumping residwu li japplika gћall-produtturi l-oћra kollha.

(154)

Kumpanija tista' titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni (20). It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, avviż dwar il-bidla tal-isem jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(155)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B'dan huwa impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri (għajr ħjut tal-ħjata), mhux disponibbli għall-bejgħ għall-konsumatur, inkluż il-monofilament ta' anqas minn 67 deċiteks, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 5402 20 00.

2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Il-kumpanija

Dazju (%)

Kodiċi TARIC addizzjonali

Zhejiang Guxiandao Industrial Fibre Co. Ltd

5,1

A974

Zhejiang Hailide New Material Co. Ltd

0

A976

Zhejiang Unifull Industrial Fibre Co. Ltd

5,5

A975

Il-kumpaniji elenkati fl-Anness

5,3

A977

Hangzhou Huachun Chemical Fiber Co. Ltd

0

A989

Oriental Industries (Suzhou) Ltd

9,8

A990

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

9,8

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rata individwali tad-dazju speċifikata gћall-kumpanija msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha jidhru dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) ta' ħjut b'saħħithom ħafna (high tenacity) ta' poliesteri mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (Kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji kollha l-oħrajn”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  ĠU L 315, 1.12.2010, p. 1.

(3)  ĠU C 77, 5.3.2015, p. 9.

(4)  ĠU C 397, 28.11.2015, p. 10.

(5)  F'dan ir-Regolament, l-informazzjoni kollha disponibbli pubblikament li saret referenza għaliha ġiet inkluża fir-rapporti speċifiċi għas-settur (PCI Fibres — World Synthetic Fibres Supply/Demand Reports għall-2008 u l-2013 — ara l-premessi 42, 47, 52 hawn taħt, kif ukoll PCI Fibres — Technical Fibres Report, Settembru 2014 u Jannar 2015 — ara l-premessa 58 hawn taħt), maħruġa minn kumpanija tal-konsulenza jisimha PCI Wood Mackenzie.

(6)  Ir-Repubblika tal-Korea flimkien maċ-Ċina u mat-Tajwan tirrappreżenta aktar minn 90 % tal-importazzjonijiet totali ta' HTY matul il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami. L-Indja u l-Ġappun, għad li b'volumi ta' importazzjoni limitati, ġew ikkunsidrati minħabba l-volumi ta' produzzjoni ġenerali u d-daqs tas-suq domestiku tagħhom.

(7)  L-importazzjonijiet, inkluż iċ-Ċina, irrappreżentaw madwar 71 % tal-konsum totali fl-2015 (sors: id-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u l-Kummissjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti).

(8)  Ara pereżempju ĠU L 343, 19.12.2008, il-premessa 143.

(9)  Ara Appellate Body Report Mexico — Definitive Anti-Dumping Measures on Beef and Rice: Complaint with Respect to Rice (WT/DS295/AB/R), adottat fl-20 ta' Diċembru 2005, il-paragrafi 300-307.

(10)  Ara t-talba ta' rieżami, il-paġna 19 u PCI Fibres — World Synthetic Fibres Supply/Demand Reports għall-2008 u l-2013.

(11)  PCI Fibres — World Synthetic Fibres Supply/Demand Reports għall-2008 (il-paġni 393-410) u l-2013 (il-paġni 379-408).

(12)  Stima tal-ilmentatur.

(13)  Iċ-ċifra tirreferi għas-sena kalendarja 2015 peress li ma kien hemm ebda determinazzjoni preċiża disponibbli għall-PIR.

(14)  Bażi tad-dejta doganali taċ-Ċina.

(15)  Is-suq disponibbli tal-UE ġie kkalkolat billi ġie kkunsidrat biss il-konsum tal-Unjoni li xorta jista' jassorbi l-prodotti Ċiniżi. Tabilħaqq, minn madwar 217 000 MT ta' konsum stmat fl-Unjoni fil-PIR, madwar 98 000 MT diġà kienu koperti minn prodotti Ċiniżi (li minnhom 39 741 MT mhux soġġetti għall-miżuri u 57 464 MT soġġetti għall-miżuri). Għaldaqstant, il-konsum disponibbli tal-Unjoni huwa kkalkolat għal madwar 119 000 MT.

(16)  PCI Fibres — World Synthetic Fibres Supply/Demand Reports għall-2008 (il-paġni 393-410) u l-2013 (il-paġni 379-408).

(17)  PCI Fibres — Technical Fibres Report, Jannar 2015, paġna 1.

(18)  PCI Fibres — Technical Fibres Report, Settembru 2014, paġna 8.

(19)  Ara r-Rapport tal-Korp tal-Appell Mexico — Definitive Anti-Dumping Measures on Beef and Rice: Complaint with Respect to Rice (WT/DS295/AB/R), adottat fl-20 ta' Diċembru 2005.

(20)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, Rue de la Loi/Wetstraat 170, 1040 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.


ANNESS

Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw li mhux inklużi fil-kampjun (Kodiċi addizzjonali TARIC A977):

Isem il-kumpanija

Belt

Heilongjiang Longdi Co. Ltd

Harbin

Jiangsu Hengli Chemical Fibre Co. Ltd

Wujiang

Hyosung Chemical Fiber (Jiaxing) Co. Ltd

Jiaxing

Shanghai Wenlong Chemical Fiber Co. Ltd

Shanghai

Shaoxing Haifu Chemistry Fibre Co. Ltd

Shaoxing

Sinopec Shanghai Petrochemical Co. Ltd

Shanghai

Wuxi Taiji Industry Co. Ltd

Wuxi

Zhejiang Kingsway High-Tech Fiber Co. Ltd

Haining City


25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/30


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/326

tal-24 ta' Frar 2017

li jemenda għall-261 darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da'esh) u tal-Al-Qaida

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta' Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-organizzazzjonijiet tal-ISIL (Da' esh) u tal-Al-Qaida (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1)(a) u l-Artikolu 7a(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jelenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet koperti mill-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi skont dak ir-Regolament.

(2)

Fit-22 ta' Frar 2017 il-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċieda li jżid erba' persuni fiżiċi mal-elenku tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fir-rigward ta' min japplika t-twaqqif tal-fondi u riżorsi finanzjarji. L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Aġent Kap tas-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija


(1)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin taħt l-intestatura “Persuni fiżiċi”:

(a)

“Bassam Ahmad Al-Hasri (magħruf ukoll bħala: a) Bassam Ahmad Husari b) Abu Ahmad Akhlaq c) Abu Ahmad al-Shami). Data tat-twelid: a) 1.1.1969 b) bejn wieħed u ieħor fl-1971. Post tat-twelid: a) Qalamun, Provinċja ta' Damasku, ir-Repubblika Għarbija Sirjana, b) Ghutah, Provinċja ta' Damasku, ir-Repubblika Għarbija Sirjana c) Tadamon, Rif Dimashq, ir-Repubblika Għarbija Sirjana. Nazzjonalità: a) Sirjana b) Palestinjana. Indirizz: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana (In-Nofsinhar. Il-post minn Lulju 2016). Id-data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 22.2.2017.”

(b)

“Iyad Nazmi Salih Khalil (magħruf ukoll bħala: a) Ayyad Nazmi Salih Khalil b) Eyad Nazmi Saleh Khalil c) Iyad al-Toubasi d) Iyad al-Tubasi e) Abu al-Darda' f) Abu-Julaybib al-Urduni g) Abu-Julaybib). Data tat-twelid: 1974 Post tat-twelid: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana. Nazzjonalità: Ġordaniża. Numru tal-passaport: a) il-Ġordan 654781 (bejn wieħed u ieħor maħruġ fl-2009) b) il-Ġordan 286062 (maħruġ fil-5.4.1999 f'Żarqa, il-Ġordan, skada fl-4.4.2004). Indirizz: Ir-Repubblika Għarbija Sirjana (Iż-żona kostali. Il-post minn April 2016). Id-data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 22.2.2017.”

(c)

“Ghalib Adbullah al-Zaidi (magħruf ukoll bħala: a) Ghalib Abdallah al-Zaydi b) Ghalib Abdallah Ali al-Zaydi c) Ghalib al Zaydi). Data tat-twelid: a) 1975 b) 1970. Post tat-twelid: Ir-Reġjun ta' Raqqah, il-Governatorat ta' Marib, il-Jemen. Nazzjonalità: Jemenita. Id-data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 22.2.2017.”

(d)

“Nayif Salih Salim Al-Qaysi (magħruf ukoll bħala: a) Naif Saleh Salem al Qaisi b) Nayif al-Ghaysi). Data tat-twelid: 1983. Post tat-twelid: Il-Governatorat ta' Al-Baydah, il-Jemen. Nazzjonalità: Jemenita. Numru tal-passaport: Jemen 04796738. Indirizz: a) Il-Governatorat Al-Baydah, il-Jemen; b) Sana'a, il-Jemen (post preċedenti). Id-data tad-deżinjazzjoni msemmija fl-Artikolu 7d(2)(i): 22.2.2017.”


25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/32


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/327

tal-24 ta' Frar 2017

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

232,7

IL

75,4

MA

97,0

TR

98,9

ZZ

126,0

0707 00 05

MA

79,2

TR

203,1

ZZ

141,2

0709 91 00

EG

113,1

ZZ

113,1

0709 93 10

MA

54,0

TR

166,7

ZZ

110,4

0805 10 22 , 0805 10 24 , 0805 10 28

EG

43,1

IL

76,8

MA

48,2

TN

56,4

TR

75,0

ZA

196,8

ZZ

82,7

0805 21 10 , 0805 21 90 , 0805 29 00

EG

100,8

IL

127,6

JM

95,8

MA

103,0

TR

87,7

ZZ

103,0

0805 22 00

IL

112,1

MA

95,4

ZZ

103,8

0805 50 10

EG

71,3

TR

74,4

ZZ

72,9

0808 30 90

CL

175,7

CN

112,2

ZA

125,1

ZZ

137,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/34


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/328

tal-21 ta' Frar 2017

li temenda d-Deċiżjoni 1999/70/KE dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali, fir-rigward tal-awdituri esterni tal-Bank of Greece

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 27.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta' Diċembru 2016 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Bank of Greece (BĊE/2016/46) (1),

Billi:

(1)

Il-kontijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom għandhom jiġu vverifikati minn awdituri esterni indipendenti rakkomandati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE u approvati mill-Kunsill.

(2)

Il-mandat tal-awdituri esterni attwali tal-Bank of Greece ser jiskadi wara l-verifika għas-sena finanzjarja 2016. Għalhekk huwa meħtieġ li jinħatru awdituri esterni mis-sena finanzjarja 2017.

(3)

Il-Bank of Greece għażel lil Deloitte Certified Public Accountants S.A. bħala l-awdituri esterni tiegħu għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.

(4)

Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE rrakkomanda li Deloitte Certified Public Accountants S.A. jinħatru bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.

(5)

B'segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE (2) tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/70/KE, il-paragrafu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“12.   Deloitte Certified Public Accountants S.A. huma b'dan approvati bħala l-awdituri esterni tal-Bank of Greece għas-snin finanzjarji 2017 sa 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-BĊE.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

E. SCICLUNA


(1)  ĠU C 3, 6.1.2017, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/70/KE tal-25 ta' Jannar 1999 dwar l-awdituri esterni tal-banek ċentrali nazzjonali (ĠU L 22, 29.1.1999, p. 69).


25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/329

tal-4 ta' Novembru 2016

dwar il-miżura SA.39235 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar it-taxxa tad-dħul mir-reklamar

(notifikata bid-dokument C(2016) 6929)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex iressqu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni saret taf li l-Ungerija kienet adottat att leġiżlattiv dwar il-bażi li fuqha jiġi intaxxat id-dħul mill-attivitajiet tar-reklamar (minn hawn 'il quddiem: “it-taxxa fuq ir-reklamar”). Permezz ta' ittra tat-13 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, li wieġbu bl-ittra tat-2 ta' Ottubru 2014. Bl-ittra tal-1 ta' Diċembru 2014, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew mistoqsija sett ieħor ta' mistoqsijiet, li wieġbu billi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali bl-ittra tas-16 ta' Diċembru 2014.

(2)

Bl-ittra tat-2 ta' Frar 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ġew infurmati li l-Kummissjoni se tikkunsidra toħroġ deċiżjoni ta' inġunzjoni ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2). Bl-ittra tas-17 ta' Frar 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi ressqu l-kummenti tagħhom dwar dik l-ittra.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni tat-12 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni infurmat lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (minn hawn 'il quddiem: “id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”) u toħroġ inġunzjoni ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 fir-rigward tal-miżura.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u l-inġunzjoni ta' sospensjoni ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jressqu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati. Hija bagħtithom lill-awtoritajiet Ungeriżi li ngħataw l-opportunità jirreaġixxu.

(6)

Fil-21 ta' April 2015, l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu abbozz ta' proposta lill-Kummissjoni għal emenda tat-taxxa fuq ir-reklamar. Fit-8 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-Ungerija rigward l-emenda ppjanata.

(7)

Fl-4 ta' Ġunju 2015, l-Ungerija emendat it-taxxa fuq ir-reklamar, mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni jew awtorizzazzjoni mingħandha. Fil-5 ta' Lulju 2015, l-emendi daħlu fis-seħħ.

(8)

Bl-ittra tas-6 ta' Lulju 2015, l-Ungerija tat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ u dwar il-kummenti tal-partijiet interessati, kif ukoll kjarifiki dwar l-emenda tat-taxxa fuq ir-reklamar.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAT-TAXXA FUQ IR-REKLAMAR

2.1.   AMBITU TAT-TAXXA U L-BAŻI GĦAT-TAXXA

(9)

Fil-11 ta' Ġunju 2014, l-Ungerija adottat l-Att XXII tal-2014 dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar (minn hawn 'il quddiem: “l-Att”), b'emendi oħrajn fl-4 ta' Lulju u fit-18 ta' Novembru 2014. L-Att introduċa taxxa speċjali ġdida fuq id-dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija u barra minn hekk japplika wkoll għat-taxxi tan-negozju eżistenti, b'mod partikolari t-taxxa fuq l-introjtu. Skont l-Ungerija, l-iskop tal-Att huwa li jippromwovi l-prinċipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku.

(10)

It-taxxa fuq ir-reklamar hija dovuta fuq id-dħul li jiġi mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-ispazji tal-midja speċifikati skont l-Att (eż. fis-servizzi tal-midja; fil-materjali tal-istampa; fuq midja tar-reklamar fuq barra; fuq kull vettura jew proprjetà immobbli; fil-materjal stampat; u fuq l-Internet). It-taxxa tapplika għall-impriżi kollha tal-midja u l-persuna taxxabbli fil-prinċipju hija l-pubblikatur tar-reklam. Il-kamp ta' applikazzjoni territorjali tat-taxxa huwa l-Ungerija.

(11)

Il-bażi għat-taxxa li għaliha tiġi applikata t-taxxa hija d-dħul tal-pubblikatur li ġej mis-servizzi tar-reklamar ipprovduti minnu, mingħajr it-tnaqqis ta' ebda kost. Il-bażi għat-taxxa tal-kumpaniji affiljati hija aggregata. Għalhekk, ir-rata tat-taxxa applikabbli tiġi ddeterminata mid-dħul mir-reklamar li ġej mill-grupp sħiħ fl-Ungerija.

(12)

Hemm bażi għat-taxxa speċjali għall-awtoreklamar, jiġifieri r-reklamar relatat mal-prodotti, l-oġġetti, is-servizzi, l-attivitajiet, l-isem u d-dehra proprja tal-pubblikatur. F'dan il-każ, il-bażi għat-taxxa li fuqha tiġi applikata t-taxxa hija l-kostijiet li jġarrab il-pubblikatur b'rabta mal-pubblikazzjoni tar-reklam.

2.2.   RATI TAT-TAXXA PROGRESSIVI

(13)

L-Att stabbilixxa struttura ta' rati progressivi b'rati li jvarjaw minn 0 % u 1 % għall-kumpaniji bi dħul mir-reklamar żgħir jew medju għal 50 % għal kumpaniji bi dħul mir-reklamar għoli kif ġej:

Għall-parti tad-dħul taħt HUF 0,5 biljun: 0 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 0,5 biljun u 5 biljun: 1 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 5 biljun u 10 biljun: 10 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 10 biljun u 15 biljun: 20 %

Għall-parti tad-dħul ta' bejn HUF 15-il biljun u 20 biljun: 30 %

Għall-parti tad-dħul 'il fuq minn HUF 20 biljun: 50 %

(14)

Il-kategorija ta' fuq nett ittellgħet minn 40 % għal 50 % mill-1 ta' Jannar 2015 permezz tal-Att LXXIV tal-2014 dwar il-modifika ta' ċerta leġiżlazzjoni dwar it-taxxa u dik relatata u l-Att CXXII tal-2010 dwar l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u d-Dwana, li emenda l-Att.

2.3.   TNAQQIS TAT-TELF RIPORTATI MILL-BAŻI GĦAT-TAXXA TAL-2014

(15)

Skont l-Att, il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tagħhom 50 % tat-telf riportat mis-snin preċedenti skont il-liġi dwar it-taxxa korporattiva u fuq id-dividendi jew it-taxxa fuq l-introjtu personali.

(16)

Emenda tal-4 ta' Lulju 2014 għal dan l-Att tillimita dan it-tnaqqis għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 (jiġifieri jekk l-ammont tal-profitt qabel it-taxxa fis-sena kontabilistika tal-2013 huwa żero jew negattiv biss). Għalhekk, il-kumpaniji li rriportaw it-telf mis-snin preċedenti, iżda li kienu qed jagħmlu profitt fl-2013, mhumiex eliġibbli għat-tnaqqis. Skont l-Ungerija, l-objettiv tal-emenda huwa li jiġu evitati l-evitar tat-taxxa u ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligi tat-taxxa.

(17)

Il-possibbiltà li jitnaqqas it-telf riportat tapplika biss għat-taxxa dovuta għall-2014. Din ma tapplikax għat-taxxa dovuta għall-2015 jew is-snin ta' wara.

2.4.   DETERMINAZZJONI TAL-OBBLIGAZZJONI U D-DIKJARAZZJONI TAT-TAXXA

(18)

Skont l-Att, il-kontribwent jiddetermina l-obbligazzjoni tat-taxxa tiegħu permezz ta' awtovalutazzjoni u jirritorna dikjarazzjoni lill-awtorità tat-taxxa sal-aħħar jum tal-ħames xahar wara s-sena tat-taxxa.

2.5.   ĦLAS TAT-TAXXA

(19)

L-Att jipprovdi li l-kontribwent għandu jiddetermina u jiddikjara l-obbligazzjoni tat-taxxa tiegħu, u jħallas it-taxxa sal-aħħar jum tal-ħames xahar wara s-sena tat-taxxa.

(20)

Għall-2014, it-taxxa kienet dovuta pro-rata mid-dħul fis-seħħ tal-Att fit-18 ta' Lulju 2014 fuq il-bażi tad-dħul mir-reklamar tal-2014. Il-kontribwent kellu jiddetermina u jiddikjara taxxa bil-quddiem għall-2014 (skont id-dħul tiegħu mir-reklamar tal-2013) sal-20 ta' Awwissu 2014, u jħallasha f'żewġ ħlasijiet parzjali indaqs sal-20 ta' Awwissu 2014 u l-20 ta' Novembru 2014.

(21)

Skont id-dejta proviżorja riċevuta mill-awtoritajiet Ungeriżi, mit-28 ta' Novembru 2014, inġabar l-ammont totali ta' HUF 2 640 100 000 [~ EUR 8 500 000] f'taxxi bil-quddiem għall-2014. Madwar 80 % tad-dħul mit-taxxa totali miġbur minn dawk it-taxxi bil-quddiem tħallas minn grupp wieħed ta' kumpaniji.

2.6.   L-EMENDI INTRODOTTI BL-ATT LXII TAL-2015 TAL- 4 TA' ĠUNJU 2015

(22)

Permezz tal-Att LXII tal-2015 tal-4 ta' Ġunju 2015, wara li ġiet adottata d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, l-Ungerija emendat l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar billi ssostitwiet l-iskala progressiva ta' sitt rati tat-taxxa li jvarjaw minn 0 % sa 50 % b'sistema ta' rati doppji kif ġej:

0 % applikabbli fuq il-parti tad-dħul li ma taqbiżx il-HUF 100 miljun; u

5,3 % applikabbli fuq id-dħul li jaqbeż il-HUF 100 miljun.

(23)

L-emenda tintroduċi applikazzjoni retroattiva fakultattiva li tmur lura sad-dħul fis-seħħ tal-Att fl-2014. Fi kliem ieħor, il-kontribwenti jistgħu jagħżlu, għall-passat, li jkunu soġġetti jew għas-sistema l-ġdida ta' rati doppji jew li jibqgħu soġġetti għall-iskala progressiva ta' sitt rati tat-taxxa ta' qabel.

(24)

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tat-telf riportat, li huwa limitat għall-kumpaniji li fl-2013 ma għamlux profitt, jibqgħu l-istess.

3.   IL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

(25)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali għaliex qieset f'dak l-istadju li l-progressività tar-rati tat-taxxa u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tat-telf riportat mill-bażi għat-taxxa kif stabbilit fl-Att kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

(26)

Il-Kummissjoni qieset li r-rati tat-taxxa progressivi jiddifferenzjaw bejn impriżi bi dħul mir-reklamar għoli (li huma għalhekk impriżi ta' daqs ikbar) u impriżi bi dħul mir-reklamar baxx (li huma għalhekk impriżi ta' daqs iżgħar), u jagħtu vantaġġ selettiv lil dawn tal-aħħar fuq il-bażi tad-daqs tagħhom. Il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-kapaċità li jħallsu, li saret referenza għaliha mill-Ungerija, tistax isservi bħala l-prinċipju ta' gwida għat-taxxi fuq id-dħul. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset, fuq bażi preliminari, li l-karattru progressiv tar-rata tat-taxxa fuq ir-reklamar skont l-Att kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, minħabba li l-kriterji l-oħra kollha għal kwalifikazzjoni bħal din ukoll dehru ssodisfati.

(27)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jippermettu t-tnaqqis tat-telf tal-passat riportat skont il-liġi tat-taxxa korporattiva u dwar id-dividendi jew it-taxxa fuq l-introjtu personali mit-taxxa dovuta u, b'mod partikolari, il-limitazzjoni għall-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, jiddifferenzjaw bejn kumpaniji li, fid-dawl tat-taxxa bbażata fuq id-dħul, jinsabu f'sitwazzjoni komparabbli. Hija qieset li d-dispożizzjonijiet jidhru li jagħtu vantaġġ selettiv lil impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 meta mqabbla ma' impriżi li ma għamlux profitt fis-snin ta' qabel jew li qatt ma għamlu telf. Il-Kummissjoni qieset li t-trattament differenzjali ma kienx iġġustifikat min-natura u l-loġika tas-sistema fiskali, b'mod partikolari minħabba li l-Ungerija sostniet li t-taxxa fuq ir-reklamar hija bbażata fuq l-idea li s-sempliċi riċeviment ta' dħul mir-riklamar jiġġustifika t-tassazzjoni. Għalhekk il-Kummissjoni qieset li dawk id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, għaliex il-kriterji l-oħra kollha għal kwalifikazzjoni bħal din dehru ssodisfati.

(28)

Il-miżuri ma dehrux li huma kompatibbli mas-suq intern.

3.2.   IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(29)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati.

(30)

Il- Hungarian Advertising Association iddeskriviet l-istat tal-industrija tar-reklamar fl-Ungerija u esprimiet tħassib dwar it-taxxa fuq ir-reklamar kif inhi. Hija qieset li t-taxxa tqiegħed piż addizzjonali fuq settur diġà milqut minn dħul dejjem jonqos. Hija indikat li kull taxxa fuq ir-reklamar fuq kumpaniji tal-midja żgħar tista' toħroġ lil dawk il-kumpaniji barra mis-suq minħabba l-marġnijiet ta' profitt baxxi tagħhom.

(31)

TV2, operatur tat-TV privat Ungeriż, ressaq kummenti biss dwar it-tnaqqis tat-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali. TV2 iqis li d-dispożizzjoni li tikkonċerna t-tpaċija tat-telf tal-passat mhijiex selettiva għaliex huwa fl-ambitu tad-diskrezzjoni ta' Stat Membru li jfassal taxxa bbażata fuq id-dħul filwaqt li fl-istess ħin jikkunsidra elementi ta' taxxa abbażi tal-kapaċità tal-ħlas. Li kieku l-Kummissjoni kellha ssib element ta' selettività fir-regoli dwar it-tnaqqis tat-telf tal-passat, dan l-element jista' jkun biss ir-restrizzjoni ulterjuri għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013, iżda mhux ir-regola ġenerali li tippermetti t-tnaqqis tat-telf tal-passat.

(32)

RTL jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Dan sostna li hemm żewġ elementi addizzjonali ta' selettività maħluqa mit-taxxa fuq ir-reklamar: (i) it-taxxa tibbenefika x-xandara pubbliċi fuq ix-xandara kummerċjali, għaliex dawn ta' qabel huma allegatament iffinanzjati primarjament permezz tal-finanzjament mill-Istat u għalhekk huma inqas affettwati mit-taxxa; (ii) it-taxxa tibbenefika x-xandara ta' sjieda Ungeriża fuq atturi internazzjonali għaliex ix-xandara ta' sjieda Ungeriża allegatament tipikament ikollhom dħul mir-reklamar aktar baxx minn dak ta' atturi internazzjonali kbar.

3.3.   IL-POŻIZZJONI TAL-AWTORITAJIET UNGERIŻI

(33)

L-awtoritajiet Ungeriżi jikkontestaw li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Essenzjalment, dawn jargumentaw li l-kapaċità tal-ħlas mhijiex biss riflessa mill-profittabilità ta' impriża, iżda wkoll mis-sehem mis-suq tagħha u għalhekk mid-dħul tagħha. L-Ungerija ssostni li r-rati tat-taxxa progressivi għal taxxa bbażata fuq id-dħul huma ġustifikati mill-kapaċità ta' ħlas u li hija fil-kompetenza nazzjonali li tiddefinixxi l-l-iskala preċiża tar-rati. L-Ungerija tqis li l-miżura tranżitorja għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 hija ġustifikata għaliex għal dawk il-kumpaniji l-piż tat-taxxa jkun għoli wisq mingħajr din il-miżura.

(34)

L-Ungerija tikkontesta n-natura selettiva tal-iskema tat-taxxa, b'mod partikolari, billi targumenta li ma hemm l-ebda deroga mis-sistema ta' referenza, għaliex is-sistema ta' referenza fil-każ tat-taxxi progressivi hija l-kombinazzjoni tal-bażi għat-taxxa u r-rati tat-taxxa korrispondenti. Għalhekk, il-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali (li għandhom l-istess bażi għat-taxxa) huma soġġetti għall-istess ammont ta' taxxa.

3.4.   IL-KUMMENTI MILL-UNGERIJA DWAR IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(35)

L-Ungerija stqarret li s-sottomissjoni tal-Hungarian Advertisement Association tiddeskrivi b'mod korrett il-funzjonament tas-suq tar-reklamar Ungeriż u, b'mod partikolari, tasal għall-konklużjonijiet li l-impriżi ta' daqs iżgħar u dawk li għadhom kemm daħlu fis-suq huma f'pożizzjoni aktar diffiċli minn impriżi ta' daqs ikbar bi dħul ogħla. Għalhekk, il-pożizzjoni tal-atturi ta' daqs iżgħar fis-suq tar-reklamar ma tistax titqabbel ma' dik tal-pubblikaturi ta' daqs ikbar li għandhom il-kapaċità li jħallsu iżjed u għalhekk jenħtieġ li jkollhom piż tat-taxxa progressivament ogħla.

(36)

L-Ungerija taqbel mal-kummenti ta' TV2 u tindika li mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta' Ġibiltà jirriżulta li l-profittabilità bħala kriterju tat-tassazzjoni hija miżura ta' tassazzjoni ġenerali għaliex tirriżulta minn fatt każwali.

(37)

L-Ungerija ma taqbilx mal-argumenti tal-RTL għar-raġunijiet spjegati diġà fis-sottomissjonijiet preċedenti tagħha. L-Ungerija tispjega wkoll li l-Att jittratta x-xandara pubbliċi u kummerċjali b'mod ugwali u kull pubblikazzjoni ta' reklamar għal remunerazzjoni hija soġġetta għall-istess obbligazzjoni tat-taxxa.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   IL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT FIS-SENS TAL-ARTIKOLU 107(1) TAT-TFUE

(38)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-TFUE, “ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”.

(39)

Il-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna fis-sens ta' din id-dispożizzjoni għalhekk teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura għandha tkun attribwibbli lill-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) għandha tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ għandu jkun selettiv; u (iv) il-miżura għandha tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   IR-RIŻORSI TAL-ISTAT U L-ATTRIBWIBILITÀ LILL-ISTAT

(40)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun attribwibbli lil Stat Membru u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat.

(41)

Minħabba li l-miżuri kkontestati jirriżultaw minn Att tal-Parlament Ungeriż, dawn huma attribwibbli b'mod ċar lill-Istat Ungeriż.

(42)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżura permezz tar-riżorsi tal-Istat, fejn ir-riżultat ta' miżura jkun li l-Istat jirrinunzja għad-dħul li kieku jiġbor minn impriża f'ċirkostanzi normali, dik il-kundizzjoni hija ssodisfata wkoll (4). F'dan il-każ, l-Ungerija tirrinunzja r-riżorsi li kieku kienet tiġbor mill-impriżi b'livell aktar baxx ta' dħul rilevanti (li huma impriżi ta' daqs iżgħar), kieku dawn kienu soġġetti għall-istess livell ta' taxxa bħall-impriżi bi dħul ogħla (li huma impriżi ta' daqs ikbar).

4.1.2.   VANTAĠĠ

(43)

Skont il-każistika tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett tal-għajnuna jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi, iżda anke miżuri li, f'forom differenti, jimmitigaw l-imposti li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża (5). Vantaġġ jista' jingħata permezz ta' tipi differenti ta' tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta' kumpanija u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli, fil-bażi għat-taxxa jew fl-ammont tat-taxxa dovuta (6). Għalkemm tnaqqis fit-taxxa ma jinvolvix trasferiment pożittiv tar-riżorsi mill-Istat, joħloq vantaġġ minħabba l-fatt li jqiegħed l-impriżi li japplika għalihom f'pożizzjoni finanzjarja aktar favorevoli u jirriżulta f'telf ta' dħul għall-Istat (7).

(44)

L-Att jistabbilixxi rati ta' tassazzjoni progressivi li japplikaw għad-dħul annwali li jiġi mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija skont il-kategorija li d-dħul ta' impriża jaqa' fiha. Il-karattru progressiv ta' dawk ir-rati għandu l-effett li l-perċentwal tat-taxxa impost fuq id-dħul ta' impriża jiżdied progressivament skont in-numru ta' kategoriji li d-dħul jaqa' fihom. Dan iwassal biex l-impriżi li għandhom dħul baxx (l-impriżi ta' daqs iżgħar) jiġu intaxxati b'rata medja sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi bi dħul għoli (l-impriżi ta' daqs ikbar). L-intaxxar b'din ir-rata tat-taxxa medja sostanzjalment aktar baxxa jimmitiga l-imposti li l-impriżi bi dħul aktar baxx ikollhom iġarrbu meta mqabbla mal-impriżi bi dħul għoli u għalhekk jikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċji ta' impriżi ta' daqs iżgħar fuq impriżi ta' daqs ikbar għall-fini tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(45)

Bl-istess mod, il-possibbiltà skont l-Att li jitnaqqas it-telf riportat għall-fini tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiv jew personali tikkostitwixxi vantaġġ għal dawk l-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, għaliex din tnaqqas il-bażi għat-taxxa tagħhom u b'hekk il-piż tat-taxxa tagħhom meta mqabbla mal-impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis.

4.1.3.   SELETTIVITÀ

(46)

Miżura hija selettiva jekk din tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għall-iskemi fiskali l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li s-selettività tal-miżura jenħtieġ li fil-prinċipju tiġi vvalutata permezz ta' analiżi fi tliet stadji (8). L-ewwel, jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta'referenza”. It-tieni, jenħtieġ li jiġi ddeterminat jekk miżura speċifika tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema sa fejn din tiddifferenzja bejn l-operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, huma f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, din mhijiex selettiva. Jekk iva (u għalhekk hija selettiva prima facie), fit-tielet stadju tal-analiżi, irid jiġi ddeterminat jekk il-miżura derogatorja hijiex ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali ta' referenza (9). Jekk miżura selettiva prima facie tkun ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema, din ma titqiesx bħala selettiva u għalhekk se taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.1.    Is-sistema ta' referenza

(47)

Is-sistema ta' referenza tikkostitwixxi l-qafas li skontu tiġi vvalutata s-selettività ta' miżura.

(48)

F'dan il-każ, is-sistema ta' referenza hija l-applikazzjoni ta' taxxa speċjali fuq ir-reklamar fuq id-dħul li jiġi mill-provvista tas-servizzi ta' reklamar, jiġifieri, ir-remunerazzjoni sħiħa li jirċievu l-pubblikaturi għall-pubblikazzjoni tar-reklami, mingħajr it-tnaqqis ta' ebda kost. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-istruttura tar-rati progressivi tat-taxxa fuq ir-reklamar tista' tifforma parti minn din is-sistema ta' referenza.

(49)

Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja (10), mhux dejjem huwa biżżejjed li l-analiżi tas-selettività tkun limitata għal jekk miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza kif definit mill-Istat Membru. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi evalwat jekk il-limiti ta' dik is-sistema ġewx imfassla mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, għall-kuntrarju, b'mod li huwa arbitrarju jew preġudikat b'mod ċar, sabiex jiffavorixxi impriżi speċifiċi fuq oħrajn. Inkella, minflok jiġu stabbiliti regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha u li minnhom issir deroga għal impriżi speċifiċi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, u jevita r-regoli tal-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta jew jikkombina r-regoli tiegħu b'tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta f'piż differenti għal impriżi differenti (11). Huwa partikolarment importanti li jiġi mfakkar f'dak ir-rigward li l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jiddistingwix bejn miżuri ta' intervent tal-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-għanijiet tagħhom, iżda tiddefinixxihom fir-rigward tal-effetti tagħhom, u għalhekk indipendentement mit-tekniki użati (12).

(50)

L-istruttura tat-taxxi progressivi introdotta mill-Att tidher imfassla deliberatament mill-Ungerija biex tiffavorixxi ċertu impriżi fuq oħrajn. Skont l-istruttura tat-taxxi progressivi introdotta skont l-Att, l-impriżi li jippubblikaw reklami huma soġġetti għal rati tat-taxxa differenti li jiżdiedu b'mod progressiv minn 0 % għal 50 %, skont il-kategoriji li l-dħul jaqa' fihom. Konsegwentement, tapplika rata tat-taxxa medja differenti għal impriżi soġġetti għat-taxxa fuq ir-reklamar skont il-livell tad-dħul tagħhom.

(51)

L-effett tal-istruttura ta' rati progressivi introdotta mill-Att għalhekk huwa li impriżi differenti huma soġġetti għal livelli differenti ta' tassazzjoni (espressi bħala proporzjon tad-dħul annwali globali tagħhom mir-reklamar) skont id-daqs tagħhom, billi l-ammont ta' dħul mir-reklamar miksub minn impriża sa ċertu punt jikkorrelata mad-daqs ta' dik l-impriża.

(52)

Minħabba li kull kumpanija hija intaxxata b'rata differenti, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika rata ta' referenza unika waħda fit-taxxa fuq ir-reklamar. L-Ungerija ma ppreżentatx rata speċifika bħala r-rata ta' referenza jew ir-rata “normali” u la spjegat għaliex rata ogħla tkun ġustifikata għal impriżi b'livell għoli ta' dħul, u lanqas għaliex rati aktar baxxi għandhom japplikaw għal impriżi b'livelli aktar baxxi ta' dħul mir-reklamar.

(53)

L-objettiv iddikjarat tat-taxxa fuq ir-reklamar huwa li jiġi promoss il-prinċipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku. Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi kollha soġġetti għat-taxxa fuq ir-reklamar qegħdin f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Konsegwentement, sakemm ma jkunx debitament ġustifikati, l-operaturi kollha jenħtieġ li jkunu ttrattati b'mod ugwali u jħallsu l-istess proporzjon tad-dħul tagħhom irrispettivament mil-livell ta' dħul tagħhom. Il-Kummissjoni tosserva li minħabba l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa unika għall-operaturi kollha, dawk bi dħul ogħla diġà jikkontribwixxu aktar għall-baġit tal-Istat minn dawk bi dħul baxx. L-Ungerija ma tat l-ebda argument konvinċenti li jiġġustifika d-diskriminazzjoni bejn dawk it-tipi ta' impriżi bl-impożizzjoni progressiva ta' piż tat-taxxa proporzjonalment ogħla fuq dawk bi dħul ogħla mir-reklamar. Għalhekk, l-Ungerija fasslet deliberatament it-taxxa fuq ir-reklamar b'tali mod li jiffavorixxi arbitrarjament ċerti impriżi, jiġifieri dawk b'livell aktar baxx ta' dħul (li huma impriżi ta' daqs iżgħar), u jqiegħed lil oħrajn fi żvantaġġ, jiġifieri lil impriżi ta' daqs ikbar (13).

(54)

Is-sistema ta' referenza għalhekk hija selettiva fit-tfassil b'mod li mhuwiex ġustifikat fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa fuq ir-reklamar, li huwa li jiġi promoss il-prinċjipju tal-kondiviżjoni tal-piż pubbliku u li jinġabru l-fondi għall-baġit tal-Istat.

(55)

Bl-istess mod, il-possibbiltà li jitnaqqas it-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiv u personali mill-bażi għat-taxxa tal-2014, ma tistax titqies bħala parti mis-sistema ta' referenza f'dan il-każ mill-inqas għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, it-taxxa hija bbażata fuq it-tassazzjoni tad-dħul għall-kuntrarju ta' taxxa bbażata fuq il-profitt, li jfisser li l-kostijiet normalment ma jiġux imnaqqsa mill-bażi għat-taxxa ta' taxxa fuq il-dħul. L-awtoritajiet Ungeriżi ma setgħux jispjegaw f'dan il-każ kif din il-possibbiltà tat-tnaqqis tal-kostijiet tista' tkun konnessa mal-objettiv jew in-natura tat-taxxa fuq id-dħul. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà tat-tnaqqis hija offruta biss lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013. Din mhix regola ġenerali tat-tnaqqis u din il-possibbiltà ta' tnaqqis tidher li hija arbitrarja jew mill-inqas mhux konsistenti biżżejjed biex tkun parti minn sistema ta' referenza.

(56)

Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sistema ta' referenza għat-tassazzjoni tad-dħul mir-reklamar jenħtieġ li tkun taxxa fuq id-dħul mir-reklamar li tikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri fejn:

id-dħul mir-reklamar huwa soġġett għall-istess rata tat-taxxa (unika);

l-ebda element ieħor ma huwa miżmum jew introdott jekk jista' jagħti vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi

4.1.3.2.    Deroga mis-sistema ta' referenza

(57)

Bħala t-tieni stadju, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza favur ċertu impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tas-sistema ta' referenza.

(58)

Il-progressività tal-istruttura tar-rati tat-taxxi fuq ir-reklamar toħloq differenzjazzjoni fost l-impriżi li jwettqu l-attività ta' pubblikazzjoni ta' reklami fl-Ungerija abbażi tal-iskala tal-attività tar-reklamar tagħhom, kif rifless fid-dħul tagħhom mir-reklamar.

(59)

Tabilħaqq, minħabba l-karattru progressiv tar-rati stabbiliti mill-Att, l-impriżi bi dħul li jaqa' fil-kategoriji aktar baxxi huma soġġetti għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi bi dħul li jaqa' fil-kategoriji aktar għoljin. B'riżultat ta' dan, l-impriżi bi dħul baxx huma soġġetti kemm għal rati tat-taxxa marġinali sostanzjalment aktar baxxi kif ukoll għal rati tat-taxxi medji sostanzjalment aktar baxxi meta mqabbla ma' impriżi b'livelli għoljin ta' dħul, u għalhekk għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa għall-istess attivitajiet. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li għal impriżi bi dħul mir-reklamar ogħla t-tassazzjoni tad-dħul li taqa' fl-ogħla kategoriji (30 %/40 %/50 %) hija eċċezzjonalment għolja u għalhekk tirriżulta fi trattament sostanzjalment differenzjali.

(60)

Barra minn hekk, id-dejta fuq il-ħlasijiet bil-quddiem tat-taxxa sottomessa mill-awtoritajiet Ungeriżi fis-17 ta' Frar 2015 turi li r-rati tat-taxxa ta' 30 % u 40 %/50 % applikabbli għad-dħul mir-reklamar li jaqa' fl-ogħla żewġ kategoriji effettivament applikaw biss għal impriża waħda fl-2014 u li din l-impriża ħallset madwar 80 % tad-dħul totali mit-taxxi bil-quddiem li rċieva l-Istat Ungeriż. Dawk iċ-ċifri juru l-effetti konkreti tat-trattament differenzjali tal-impriżi skont l-Att u l-karattru selettiv tar-rati progressivi stabbiliti minnu.

(61)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura ta' rati progressivi introdotta mill-Att tidderoga mis-sistema ta' referenza li tikkonsisti mill-impożizzjoni ta' taxxa fuq ir-reklamar fuq l-operaturi kollha involuti fil-pubblikazzjoni ta' reklami fl-Ungerija favur impriżi bi dħul aktar baxx.

(62)

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-possibbiltà għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 li jnaqqsu mill-bażi għat-taxxa tal-2014 it-telf tal-passat riportat għal skopijiet ta' taxxa fuq l-introjtu korporattiva u personali biex jidderogaw mis-sistema ta' referenza, jiġifieri mir-regola ġenerali li l-operaturi jkunu intaxxati fuq il-bażi tad-dħul tagħhom mir-reklamar. It-taxxa hija bbażata fuq it-tassazzjoni tad-dħul għall-kuntrarju ta' taxxa bbażata fuq il-profitt, li jfisser li l-kostijiet normalment ma jitnaqqsux mill-bażi għat-taxxa ta' taxxa fuq il-dħul.

(63)

B'mod partikolari, ir-restrizzjoni tat-tnaqqis tat-telf għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 tiddifferenzja bejn, minn naħa waħda, impriżi li kellhom it-telf riportat, u li ma għamlux profitt fl-2013 u, min-naħa l-oħra, impriżi li għamlu profitt fl-2013 iżda setgħu kellhom telf riportat minn snin fiskali preċedenti. Barra dan, id-dispożizzjoni ma tillimitax it-telf li jista' jiġi paċat mal-obbligazzjoni ta' taxxa fuq ir-reklamar għal dak li sar fl-2013, iżda tippermetti impriża li ma għamlitx profitt fl-2013 tuża wkoll it-telf riportat mis-snin preċedenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tat-telf li jkun diġà jeżisti fi żmien l-adozzjoni tal-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar jinvolvi s-selettività għaliex il-benefiċċju ta' dak it-tnaqqis jista' jiffavorixxi ċertu impriżi li jkunu rriportaw telf sostanzjali.

(64)

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jippermettu — skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att — it-tnaqqis tat-telf riportat jiddifferenzjaw bejn impriżi li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa fuq ir-reklamar Ungeriża.

(65)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri huma prima facia selettivi.

4.1.3.3.    Il-ġustifikazzjoni skont in-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali

(66)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza mhijiex selettiva jekk tkun ġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ fejn din tkun ir-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti li huma meħtieġa għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (14). Huwa f'idejn l-Istat Membru li jipprovdi tali ġustifikazzjoni.

Il-progressività tar-rati

(67)

L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li d-dħul u d-daqs tal-impriża jirriflettu l-kapaċità ta' dik l-impriża li tħallas u għalhekk impriża bi dħul mir-reklamar għoli għandha kapaċità ogħla li tħallas minn impriża li għandha dħul mir-reklamar aktar baxx. Il-Kummissjoni tqis li l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija la stabbiliet li d-dħul ta' grupp ta' kumpaniji huwa indikatur tajjeb tal-kapaċità tagħhom li jħallsu u lanqas li l-mudell tal-progressività tat-taxxa huwa ġustifikat min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali.

(68)

Hija konsegwenza naturali tat-taxxi fuq id-dħul (b'rata unika) li aktar ma jkun kbir id-dħul ta' kumpanija, aktar trid tħallas taxxa. Għall-kuntrarju tat-taxxi bbażati fuq il-profitt (15), taxxa bbażata fuq id-dħul madankollu mhix maħsuba biex tikkunsidra — u tabilħaqq ma tikkunsidrax — kostijiet imġarrba fil-ġenerazzjoni ta' dak id-dħul. Għalhekk, fin-nuqqas ta' evidenza speċifika għall-kuntrarju, il-livell ta' dħul iġġenerat ma jistax jitqies b'mod awtomatiku bħala li jirrifletti l-kapaċità tal-ħlas tal-impriża. L-Ungerija ma urietx l-eżistenza tar-relazzjoni allegata bejn id-dħul u l-kapaċità tal-ħlas u lanqas li t-tali relazzjoni hija riflessa b'mod korrett fil-mudell tal-progressività (minn 0 % għal 50 % tad-dħul) tat-taxxa fuq ir-reklamar.

(69)

Il-Kummissjoni tqis li r-rati progressivi għat-taxxi fuq id-dħul jistgħu jkunu ġustifikati biss b'mod eċċezzjonali, jiġifieri jekk l-objettiv speċifiku segwit mit-taxxa tabilħaqq jeħtieġx rati progressivi. It-taxxi fuq id-dħul progressivi jistgħu, pereżempju, jkunu ġustifikati jekk l-esternalitajiet maħluqa minn attività li t-taxxa suppost tittratta jiżdiedu wkoll b'mod progressiv — jiġifieri aktar milli b'mod proporzjonali — mad-dħul tagħha. Madankollu, l-Ungerija ma tat l-ebda ġustifikazzjoni tal-progressività tat-taxxa bl-esternalitajiet li jistgħu jinħolqu mir-reklamar.

Tnaqqis tat-telf riportat

(70)

Fir-rigward tat-tnaqqis tat-telf riportat għal impriżi li ma għamlux profitt fl-2013, tnaqqis bħal dan ma jistax ikun ġustifikat bħala miżura li tipprevjeni l-evitar tat-taxxa u ċ-ċirkomvenzjoni tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa. Il-miżura tintroduċi distinzjoni arbitrarja bejn żewġ gruppi ta' kumpaniji li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Minħabba li d-distinzjoni hija arbitrarja u mhux konformi man-natura tat-taxxa bbażata fuq id-dħul, kif deskritt fil-premessi 62 u 63, din ma tistax titqies bħala regola konsistenti kontra l-abbuż li tiġġustifika trattament differenzjali.

Konklużjoni dwar il-ġustifikazzjoni

(71)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-abilità tal-ħlas ma tistax isservi bħala prinċipju ta' gwida għat-taxxa Ungeriża fuq id-dħul mir-reklamar. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx il-miżuri bħala ġustifikati min-natura u l-iskema ġenerali tas-sistema fiskali. Għalhekk, il-miżuri jagħtu vantaġġ selettiv lill-kumpaniji tar-reklamar b'livell aktar baxx ta' dħul (li huma impriżi ta' daqs iżgħar) u lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 u setgħu jnaqqsu t-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014.

4.1.4.   TGĦAWWIĠ POTENZJALI TAL-KOMPETIZZJONI U L-EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ INTRA-UE

(72)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ intra-UE biex din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

(73)

Il-miżuri japplikaw għall-impriżi kollha li jagħmlu dħul mill-pubblikazzjoni tar-reklami fl-Ungerija. Is-suq tar-reklamar Ungeriż huwa miftuħ għall-kompetizzjoni u kkaratterizzat mill-preżenza ta' operaturi minn Stati Membri oħra, u għaldaqstant kull għajnuna favur ċerti operaturi tar-reklamar taffettwa l-kummerċ intra-UE. Tabilħaqq, il-miżuri għandhom influwenza fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi soġġetti għat-taxxa. Il-miżuri jeħilsu lil impriżi b'livelli aktar baxxi ta' dħul u impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 minn obbligazzjoni ta' taxxa li kieku kien ikollhom iħallsu, li kieku kienu soġġetti għall-istess taxxa fuq ir-reklamar bħal impriżi b'livell għoli ta' dħul u/jew impriżi li għamlu profitt fl-2013. Għalhekk, l-għajnuna mogħtija taħt dawk il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva għaliex teħles lil dawk l-impriżi minn imposta li normalment kien ikollhom iġarrbu fil-ġestjoni ta' kuljum jew fl-attivitajiet normali tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja regolarment sostniet li l-għajnuna operattiva tgħawweġ il-kompetizzjoni, (16) u għaldaqstant kull għajnuna mogħtija lil dawk l-impriżi jenħtieġ li titqies bħala li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fuq is-suq tar-reklamar Ungeriż. Konsegwentement, il-miżuri jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni u għandhom effett fuq il-kummerċ intra-UE.

4.1.5.   KONKLUŻJONI

(74)

Billi l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti bl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-taxxa fuq ir-reklamar li tistabbilixxi struttura ta' rati tat-taxxa progressivi u l-limitazzjoni tat-tnaqqis tat-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014 għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni.

4.2.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(75)

L-għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk din taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat (17) u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk il-Kummissjoni ssib li din taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat (18). Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li jrid jagħti l-prova li l-għajnuna mill-Istat mogħtija hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) jew 107(3) tat-Trattat (19).

(76)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ungeriżi ma taw l-ebda argument li jista' jistabbilixxi li l-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern u li l-Ungerija ma tatx kummenti dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ fir-rigward tal-kompatibilità tal-miżuri. Il-Kummissjoni tqis li l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet imsemmija tat-Trattat ma tapplika, għaliex il-miżuri ma jidhrux li għandhom l-għan li jiksbu xi wieħed mill-objettivi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijet.

(77)

Konsegwentement, il-miżuri ma jistgħux ikunu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern.

4.3.   L-IMPATT TAL-EMENDA TAL-2015 TAT-TAXXA FUQ IR-REKLAMAR FUQ IL-VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(78)

It-taxxa fuq ir-reklamar introdotta bl-Att XXII tal-2014 — kif deskritta fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ — ma baqgħetx tapplika sa mid-data tad-deċiżjoni mill-Kummissjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali u toħroġ inġunzjoni ta' sospensjoni. Madankollu, it-taxxa fuq ir-reklamar tal-2014 kienet modifikata mill-awtoritajiet Ungeriżi f'Ġunju 2015, mingħajr notifika preċedenti u/jew approvazzjoni mill-Kummissjoni, u għalhekk it-taxxa baqgħet tapplika fil-verżjoni emendata tagħha. Il-Kummissjoni tqis li l-verżjoni emendata tat-taxxa fuq ir-reklamar hija bbażata fuq l-istess prinċipji bħat-taxxa inizjali u fiha — mill-inqas sa ċertu livell — l-istess karatteristiċi deskritti fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li wasslu l-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni formali. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li l-verżjoni emendata tat-taxxa fuq ir-reklamar taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. F'din it-taqsima, il-Kummissjoni tivvaluta jekk — u sa liema livell — il-verżjoni emendata tat-taxxa ttaffi d-dubji espressi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward it-taxxa fuq ir-reklamar inizjali.

(79)

Filwaqt li l-emenda tal-2015 tindirizza parti mit-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat espress mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, din ma tindirizzax it-tħassib kollu għal kollox.

(80)

L-ewwel, l-istruttura tar-rati tat-taxxa l-ġdida għadha tipprovdi għal eżenzjoni għal kumpaniji (gruppi) bi dħul taħt il-HUF 100 miljun, madwar EUR 325 000 (fejn tapplika r-rata ta' 0 %) filwaqt li l-oħrajn iħallsu 5,3 % għall-parti tad-dħul tagħhom li taqbeż il-HUF 100 miljun. Fil-prattika dan ifisser li tinżamm il-progressività fit-tassazzjoni tal-kumpaniji bi dħul mir-reklamar li jaqbeż il-livell limitu.

(81)

Il-livell limitu l-ġdid li skontu tapplika r-rata ta' 0 % (HUF 100 miljun) huwa aktar baxx minn dak li skontu tiġi applikata r-rata tat-taxxa ta' 0 % skont il-leġiżlazzjoni l-qadima (li kien ta' HUF 500 miljun). Madankollu, dan jirriżulta f'nuqqas ta' ġbir ta' taxxi ta' madwar EUR 17 000 fis-sena (5,3 % × EUR 325 000).

(82)

Il-Kummissjoni tat lill-Ungerija l-opportunità li tiġġustifika l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa ta' 0 % għal dħul mir-reklamar ta' inqas minn HUF 100 miljun bil-loġika tas-sistema fiskali (eż il-piż amministrattiv). Madankollu, l-Ungerija ma offrietx raġunijiet li juru li l-kost tal-ġbir tat-taxxa (il-piż amministrattiv) ikun akbar mill-ammonti tat-taxxa miġbura (sa madwar EUR 17 000 ta' taxxa fis-sena).

(83)

It-tieni, l-emenda tintroduċi applikazzjoni retroattiva fakultattiva li tmur lura sad-dħul fis-seħħ tat-taxxa fl-2014; għall-passat, il-kontribwenti jistgħu jagħżlu li japplikaw jew is-sistema l-ġdida jew dik ta' qabel.

(84)

Dan ifisser li, fil-prattika, il-kumpaniji li kienu soġġetti għar-rata tat-taxxa ta' 0 % u 1 % fil-passat mhux se jiġu intaxxati b'mod retroattiv bir-rata ta' 5,3 % għaliex mhux probabbli li dawn jagħżlu li jħallsu iżjed taxxi. Għalhekk, taħt is-sistema l-ġdida, l-effett retroattiv fakultattiv tat-taxxa modifikata jippermetti lill-kumpaniji jevitaw il-ħlas tat-taxxa, u dan jagħti vantaġġ ekonomiku lil dawk li ma jagħżlux ir-rata ta' 5,3 %.

(85)

It-tielet, it-tnaqqis mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tat-telf tal-passat riportat limitat għal kumpaniji li ma għamlux profitt fl-2013 jibqa' l-istess. It-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat espress fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ għalhekk mhuwiex indirizzat fl-iskema emendata u jibqa' validu.

(86)

B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni tqis li l-emendi tal-2015 għall-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar jindirizzaw biss parzjalment it-tħassib imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar tal-2014. Tabilħaqq l-att emendat fih l-istess elementi li l-Kummissjoni tqis bħala li jinvolvu għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-iskema preċedenti. Anke jekk in-numru tar-rati u tal-kategoriji applikabbli ġie mnaqqas minn 6 għal 2 u l-ogħla rata ġiet sostanzjalment imnaqqsa minn 50 % għal 5,3 %, it-taxxa baqgħet progressiva, il-progressività tagħha baqgħet mhux ġustifikata u t-tnaqqis tat-telf riportat ikompli japplika bħal qabel. Din il-valutazzjoni hija valida għall-futur iżda anke għall-passat, jiġifieri mid-dħul fis-seħħ tal-Att emendat fil-5 ta' Lulju 2015 u possibbilment, b'effett retroattiv lura għad-dħul fis-seħħ tal-Att fl-2014.

(87)

Għalhekk, l-emendi tal-2015 għat-taxxa dwar ir-reklamar ma jaffettwawx il-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-taxxa fuq ir-reklamar għadha tinvolvi għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli.

4.4.   L-IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA

(88)

Kif diġà ġie ddikjarat fil-premessa 78, il-Kummissjoni tqis li d-Deċiżjoni tal-Ftuħ tkopri wkoll l-iskema emendata. Għalhekk, din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar kif kien fis-seħħ fi żmien id-Deċiżjoni tal-Ftuħ, jiġifieri fit-12 ta' Marzu 2015, kif ukoll l-emendi tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2015.

(89)

Il-miżuri ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni, jew iddikjarati minnha bħala kompatibbli mas-suq intern. Dawk il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Minħabba li dawk il-miżuri ġew implimentati bi ksur tal-obbligu ta' waqfien stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jikkostitwixxu wkoll għajnuna illegali fis-sens tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(90)

Il-konsegwenza tas-sejba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli hija li l-għajnuna trid tiġi rkuprata mill-benefiċjarji tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(91)

Fir-rigward tal-progressività tar-rata tat-taxxa, l-irkupru tal-għajnuna jfisser li l-Ungerija teħtieġ tittratta lill-impriżi kollha b'mod ugwali daqslikieku kienu soġġetti għal rata fissa unika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis ir-rata fissa unika bħala 5.3 % kif iddeterminat mill-Ungerija fil-verżjoni emendata tat-taxxa sakemm l-Ungerija ma tiddeċidiex, fi żmien xahrejn mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, li tistabbilixxi livell differenti għar-rata tat-taxxa unika li tkun tapplika b'mod retroattiv għall-impriżi kollha tul il-perjodu sħiħ tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq ir-reklamar (il-verżjonijiet oriġinali u emendati) jew li tabolixxi t-taxxa fuq ir-reklamar b'mod retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(92)

Rigward l-għajnuna mogħtija lill-impriżi li ma għamlux profitt fl-2013 li tirriżulta mit-tnaqqis tat-telf riportat, l-Ungerija trid tirkupra d-differenza bejn it-taxxa dovuta bl-applikazzjoni tar-rata tat-taxxa fissa għad-dħul mir-reklamar sħiħ tal-kumpaniji soġġetti għat-taxxa mingħajr ebda tnaqqis tat-telf, u t-taxxa mħallsa effettivament. Din id-differenza tikkorrispondi għat-taxxa li ġiet evitata wara t-tnaqqis.

(93)

Kif sostnut fil-premessa 56, is-sistema ta' referenza għat-tassazzjoni tad-dħul mir-reklamar tkun taxxa fejn:

id-dħul kollu mir-reklamar ikun soġġett għat-taxxa (l-ebda alternattiva), mingħajr it-tnaqqis ta' xi telf riportat.

id-dħul huwa soġġett għall-istess rata tat-taxxa (unika); b'mod awtomatiku, din ir-rata unika hija stabbilita għal 5,3 %;

l-ebda element ieħor ma huwa miżmum jew introdott li jista' jagħti vantaġġ selettiv lil ċertu impriżi

(94)

Fir-rigward tal-irkupru, dan ifisser li għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tat-taxxa fuq ir-reklamar fl-2014 u d-data tal-abolizzjoni tagħha jew tas-sostituzzjoni tagħha bi skema li tikkonforma bis-sħiħ mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, l-ammont tal-għajnuna riċevut mill-kumpaniji li jagħmlu dħul mir-reklamar jenħtieġ li jkun ikkalkulat bħala d-differenza bejn:

minn naħa waħda, l-ammont tat-taxxa (1) li l-impriża suppost tkun ħallset taħt l-applikazzjoni tas-sistema ta' referenza b'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat (b'rata tat-taxxa unika ta', b'mod awtomatiku, 5,3 % għad-dħul kollu mir-reklamar mingħajr it-tnaqqis ta' kwalunkwe telf riportat);

min-naħa l-oħra, l-ammont ta' taxxa (2) li l-impriża kellha tħallas jew kienet ħallset diġà.

(95)

Sabiex id-differenza bejn l-ammont ta' taxxa (1) u l-ammont ta' taxxa (2) tkun pożittiva, l-ammont tal-għajnuna jenħtieġ li jiġi rkuprat inkluż l-imgħax tal-irkupru mid-data li fiha kienet dovuta t-taxxa.

(96)

Ma jkunx hemm ħtieġa ta' rkupru jekk l-Ungerija tabolixxi s-sistema fiskali b'effett retroattiv li jmur lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tat-taxxa fuq ir-reklamar fl-2014. Dan ma jipprevjenix lill-Ungerija milli fil-futur, eż. mill-2017, tintroduċi sistema fiskali li mhijiex progressiva u li ma tiddifferenzjax bejn operaturi ekonomiċi soġġetti għat-taxxa.

5.   KONKLUŻJONI

(97)

Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(98)

L-Ungerija trid jew tabolixxi l-iskema ta' għajnuna illegali jew tissostitwiha bi skema ġdida li tikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(99)

L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna.

(100)

Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-benefiċċju fuq it-taxxa, jiġifieri, t-taxxa ffrankata, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-livell limitu ta' HUF 100 miljun tista' tikkonforma mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (20) (minn hawn 'il quddiem: “ir-Regolamentde minimis”). Il-livell massimu li grupp ta' kumpaniji jista' jirċievi huwa EUR 200 000 għal kull perjodu ta' 3 snin, bl-appoġġ kollu de minimis meħud inkunsiderazzjoni. Sabiex ikun hemm konformità mar-regoli de minimis, il-kundizzjonijiet l-oħra kollha stabbiliti fir-Regolament de minimis jenħtieġ li jiġu ssodisfati. Fil-każ li l-vantaġġ li jirriżulta mill-eżenzjoni kien jikkonforma mar-regoli de minimis, dan ma għandux jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat illegali u mhux kompatibbli u ma għandux jiġi rkuprat.

(101)

Din id-deċiżjoni hija adottata mingħajr ħsara għall-investigazzjonijiet li jistgħu jsiru dwar il-konformità tal-miżuri mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, notevolment il-libertà tal-istabbiliment kif iggarantit mill-Artikolu 49 tat-Trattat.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat mogħtija skont l-Att dwar it-Taxxa fuq ir-Reklamar Ungeriż, inkluż wara l-emenda tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2015, permezz tal-applikazzjoni ta' taxxa fuq id-dħul b'rati progressivi u l-possibbiltà, għall-kumpaniji li ma jkunux għamlu profitt fl-2013, li jnaqqsu t-telf riportat mill-bażi għat-taxxa tal-2014 tagħhom, li ġiet implimentata b'mod illegali mill-Ungerija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxix għajnuna jekk, fiż-żmien meta tingħata, din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (21) jew mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 (22) skont liema minnhom japplika fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fiż-żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti permezz ta' Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 imħassar u sostitwit bir-Regolament (UE) 2015/1588 jew permezz ta' kull skema ta' għajnuna oħra approvata, hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet tal-għajnuna massimi applikabbli għal din it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 4

1.   L-Ungerija għandha tirkupra l-għajnuna mhux kompatibbli mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 mill-benefiċjarji, kif sostnut fil-premessi minn 88 sa 95.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru effettiv tagħhom.

3.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (23) kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 271/2008 (24).

4.   L-Ungerija għandha tikkanċella l-pagamenti kollha dovuti tal-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   L-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-lista tal-benefiċjarji li rċevew l-għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 u l-ammont totali tal-għajnuna riċevut minn kull wieħed minnhom skont l-iskema;

(b)

l-ammont totali (il-kapital u l-imgħaxxijiet tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħudin u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

(2)   L-Ungerija għandha żżomm il-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħudin għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 jitlesta. Hija għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri meħudin diġà u ppjanati għall-konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta' għajnuna u imgħax tal-irkupru diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 136, 24.4.2015, p. 7.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1), imħassar u sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(3)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(4)  Il-Kawża C-83/98 P ir-Repubblika Franċiża vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ECLI:EU:C:2000:248 u ECLI:EU:C:1999:577, il-paragrafi 48 sa 51. Bl-istess mod, miżura li tagħti lil ċerti impriżi tnaqqis fit-taxxa jew li tippermettilhom jipposponu l-pagamenti tat-taxxa normalment dovuti tista' tammonta għal għajnuna mill-Istat, ara l-Kawżi Magħquda minn C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et, il-paragrafu 46.

(5)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline, EU: C: 2001:598, il-paragrafu 38.

(6)  Ara l-Kawża C-66/02, L-Italja vs Il-Kummissjoni, UE: C: 2005:768, il-paragrafu 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze et, EU: C: 2006:8, il-paragrafu 132; Case C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, eu: C: 2014:2262, il-paragrafi minn 21 sa 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(7)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air, Air Liquide Industries Belgium EU: C: 2006:403 u EU: C: 2006:216, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España EU: C: 1994:100, il-paragrafu 14.

(8)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (Nox) ECLI:EU:C:2011:551; il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline EU: C: 2001:598, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011;550 u ECLI:EU:C:2010:411, il-Kawża C-308/01 GIL Insurance ECLI:EU:C:2004:252 u ECLI:EU:C:2003;481.

(9)  L-Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett.

(10)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u r-Renju Unit ECLI:EU:C:2011:732.

(11)  Ibid, il-paragrafu 92.

(12)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafi 85 u 89 u l-każistika ċċitata, u l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) ECLI:EU:C:2011:551, il-paragrafu 51.

(13)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit ECLI:EU:C:2011:732.

(14)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos et ECLI:EU:C:2011;550 u ECLI:EU:C:2010:411, il-paragrafu 69.

(15)  Ara l-avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett, para. 24. Id-dikjarazzjoni dwar l-iskop ridistributtiv li jista' jiġġustifika rata tat-taxxa progressiva issir biss espliċitament fir-rigward tat-taxxi fuq il-profitti jew l-introjtu (nett), mhux fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul.

(16)  Il-Kawża C-172/03 Heiser ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 55. Ara wkoll il-Kawża C-494/06 P Il-Kummissjoni vs L-Italja u Wam ECLI:EU:C:2009:272, il-paragrafu 54 u l-każistika ċitata u C-271/13 P Rousse Industry vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2014:175, il-paragrafu 44. Il-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2011:368, il-paragrafu 136. Ara wkoll il-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2000:467, il-paragrafu 30, u l-każistika ċċitata.

(17)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna ta' karattru soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali; (b) għajnuna li tikkumpensa għad-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew okkorrenzi eċċezzjonali; u (c) għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(18)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna li tippromwovi l-iżvilupp ta' ċertu żoni; (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew li tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija tal-Istat Membru; (c) għajnuna għall-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew żoni ekonomiċi; (d) għajnuna għall-promozzjoni tal-konservazzjoni kulturali u tal-wirt; u (e) għajnuna speċifikata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill.

(19)  Il-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni EU:T:2007:253, il-paragrafu 34.

(20)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna Statali orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(22)  Ir-Regolament (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140 30.4.2004, p. 1).

(24)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta' Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).


Rettifika

25.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/50


Rettifika tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 180 tad-29 ta' Ġunju 2013 )

Fil-paġna 50, l-Artikolu 34(5), it-tielet sentenza:

minflok:

“Jekk ir-riċerka mwettqa mill-Istat Membru rikjest li ma rrispettax iż-żmien limitu massimu iżżomm informazzjoni li turi li dan huwa responsabbli, dak l-Istat Membru ma jistax jagħmel użu mill-iskadenza taż-żmien limitu stabbilit fl-Artikolu 21, 23 u 24 bħala raġuni biex jirrifjuta li jkun konformi mat-talba biex jieħu ħsieb jew jieħu lura.”,

aqra:

“Jekk ir-riċerka mwettqa mill-Istat Membru rikjest li ma rrispettax iż-żmien limitu massimu tiġġenera informazzjoni li turi li dan huwa responsabbli, dak l-Istat Membru ma jistax jagħmel użu mill-iskadenza taż-żmien limitu stabbilit fl-Artikolu 21, 23 u 24 bħala raġuni biex jirrifjuta li jkun konformi mat-talba biex jieħu ħsieb jew jieħu lura.”.