ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 340

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
15 ta' Diċembru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Avviż li jikkonċerna l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

1

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2250 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES

2

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta' Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali ( 1 )

9

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2252 tal-1 ta' Diċembru 2016 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Oliva di Gaeta (DOP)]

47

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2253 tal-14 ta' Diċembru 2016 li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel

48

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2254 tal-14 ta' Diċembru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

57

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (PESK) 2016/2255 tas-7 ta' Diċembru 2016 dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi ta' Stati terzi għall-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (EUTM RCA/2/2016)

59

 

 

RAKKOMANDAZZJONIJIET

 

*

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2256 tat-8 ta' Diċembru 2016 indirizzata lill-Istati Membri dwar it-tkomplija tat-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

60

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1015 tas-17 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwi għall-1-naftilaċetammid, għall-aċidu 1-naftilaċetiku, għall-kloridażon, għall-fluważifop-P, għall-fuberidażol, għall-mepikwat u għat-tralkossidim f'ċerti prodotti jew fuqhom ( ĠU L 172, 29.6.2016 )

72

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/1


Avviż li jikkonċerna l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana nnotifikaw it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għall-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Ghana, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1), f'konformità mal-Artikolu 75 ta' dak il-Ftehim. Konsegwentement, il-Ftehim japplika b'mod proviżorju mill-15 ta' Diċembru 2016 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ghana.


(1)  ĠU L 287, 21.10.2016, p. 1.


REGOLAMENTI

15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2250

tal-4 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' żgħar ta' organiżmi tal-baħar (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 18a tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b'mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd kollu tal-Unjoni bl-introduzzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet ta' speċijiet li huma soġġetti għal-limiti ta' qbid.

(2)

L-Artikolu 15(6) ta' dak ir-Regolament jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta pjanijiet ta' skartar b'atti delegati għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin abbażi tar-rakkomandazzjonijiet konġunti żviluppati mill-Istati Membri b'konsultazzjoni mal-Kunsilli Konsultattivi rilevanti.

(3)

Il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit għandhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana. Fit-3 ta' Ġunju 2016, wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar tat-Tramuntana, dawk l-Istati Membri ppreżentaw rakkomandazzjoni konġunta lill-Kummissjoni dwar pjan ta' skartar ġdid għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana. Il-korpi xjentifiċi rilevanti taw kontribuzzjonijiet xjentifiċi li ġew eżaminati mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF). Fl-14 ta' Lulju saret laqgħa tal-grupp ta' esperti magħmul mit-28 Stat Membru, mill-Kummissjoni, kif ukoll mill-Parlament Ewropew bħala osservatur fejn ġew diskussi l-miżuri kkonċernati.

(4)

Il-miżuri inklużi fir-rakkomandazzjoni konġunta jikkonformaw mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(5)

Għall-finijiet ta' dak ir-Regolament, il-Baħar tat-Tramuntana jinkludi ż-żoni IIIa u IV tal-ICES. Peress li xi stokkijiet demersali rilevanti għall-pjan ta' skartar jinsabu wkoll fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES, l-Istati Membri kkonċernati jirrakkomandaw li d-Diviżjoni IIa tal-ICES tkun koperta wkoll mill-pjan ta' skartar.

(6)

Fir-rigward tal-Baħar tat-Tramuntana, skont l-Artikolu 15(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu tal-ħatt l-art japplika sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2016:

fis-sajd imħallat għall-bakkaljaw, għall-merluzz tal-linja sewda, għall-merlangu u għall-pollakkju iswed,

fis-sajd għall-iskampu,

fis-sajd imħallat għal-lingwata komuni u għall-barbun tat-tbajja',

fis-sajd għal merluzz, u

fis-sajd għall-gamblu tat-Tramuntana.

Skont l-Artikolu 15(5) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2440 (3) jidentifika l-ispeċijiet li mill-1 ta' Jannar 2016 iridu jinħattu l-art. Dawk l-ispeċijiet huma l-pollakkju iswed, il-merluzz tal-linja sewda, l-iskampu, il-lingwata komuni, il-barbun tat-tbajja', il-merluzz u l-gamblu tat-Tramuntana. Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2440 jistabbilixxi wkoll l-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet aċċessorji tal-gamblu tat-Tramuntana. Dan ir-Regolament għandu jdaħħal mill-ġdid id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2440 dwar l-ispeċijiet li jridu jinħattu l-art u jispeċifika l-ispeċijiet u s-sajd l-oħra li għalihom japplika l-obbligu tal-ħatt l-art fl-2017 u fl-2018.

(7)

L-Istati Membri kkonċernati jsostnu li r-regoli dwar l-isforzi tas-sajd stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 (4) huma ta' ostakolu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw minħabba li r-reġim tal-isforz tas-sajd stabbilit f'dak il-Kapitolu kieku jfixkel il-flessibbiltà meħtieġa biex jiġu adattati x-xejriet tas-sajd, bħall-għażla taż-żona u tal-irkaptu, ladarba jiġi introdott l-obbligu tal-ħatt l-art. Bħalissa r-Regolament (KE) Nru 1342/2008 għaddej minn proċess ta' reviżjoni mill-koleġiżlaturi. Biex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja tar-reġim tal-isforz tas-sajd u tal-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw, jixraq li l-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw jibda japplika biss ladarba r-reġim tal-isforz tas-sajd ma jibqax japplika.

(8)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2440 daħħal eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art għall-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom l-evidenza xjentifika turi rati għoljin ta' sopravivenza (“eżenzjoni ta' sopravivenza għolja”) għall-qabdiet tal-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES dment li jintużaw ċerti nases jew xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Dak ir-Regolament Delegat jeħtieġ li l-Istati Membri li jkollhom interess dirett fil-ġestjoni fil-Baħar tat-Tramuntana jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-eżenzjonijiet speċifikati għax-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ. Dik l-informazzjoni ġiet ippreżentata u s-STECF ikkonkluda li l-informazzjoni hija biżżejjed. Għaldaqstant, dik l-eżenzjoni għandha tiġi inkluża fil-pjan ta' skartar il-ġdid.

(9)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni ta' sopravivenza għolja għall-qabdiet tal-iskampu fis-subżona IV tal-ICES għal ċertu rkaptu dment li jintuża apparat ta' selettività (Netgrid).

(10)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni ta' sopravivenza għolja għall-qabdiet tal-lingwata komuni fis-subżona IV tal-ICES għal ċertu rkaptu u skont ċerti kundizzjonijiet li jiffavorixxu s-sopravivenza tal-lingwata.

(11)

Skont l-evidenza xjentifika pprovduta fir-rakkomandazzjoni konġunta u eżaminata mis-STECF u filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tal-irkaptu, tal-prattiki tas-sajd u tal-ekosistema, dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu inklużi f'dan ir-Regolament għas-sena 2017. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw dejta addizzjonali sabiex is-STECF ikun jista' jivvaluta aktar ir-rati ta' sopravivenza tal-iskampu u tal-lingwata komuni li jinqabdu fis-subżona IV tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir ikkonċernati u biex il-Kummissjoni tkun tista' teżamina l-eżenzjoni rilevanti.

(12)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2440 daħħal eżenzjoni de minimis għal

lingwata komuni maqbuda bil-parit u l-għażel fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona IIa tal-ICES,

lingwata komuni maqbuda b'ċerti xbieki tat-tkarkir bi travu fis-Sibżona IV tal-ICES,

skampu maqbud b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tas-Subżona IIa tal-ICES, u

lingwata komuni u l-merluzz tal-linja sewda kkombinati maqbuda b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES.

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tissuġġerixxi li dawn l-eżenzjonijiet jibqgħu jiġu applikati. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu inklużi fil-pjan ta' skartar il-ġdid.

(13)

Ir-rakkomandazzjoni konġunta tinkludi eżenzjoni de minimis għal-lingwata komuni, il-merluzz tal-linja sewda u l-merlangu kkombinati għall-qabdiet b'ċerti xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, eżenzjoni de minimis għal-lingwata, il-merluzz tal-linja sewda u l-merlangu kkombinati għall-qabdiet bil-kavetti fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES u għall-2018, eżenzjoni de minimis għall-merlangu maqbud bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ fid-Diviżjoni IVc tal-ICES.

(14)

Abbażi tal-evidenza konvinċenti provduta mill-Istati Membri għal dawk l-eżenzjonijiet, kif riveduti mis-STECF, li kkonkludiet li dawk l-eżenzjonijiet huma bbażati fuq argumenti raġunati fir-rigward tad-diffikultajiet li jinkiseb aktar titjib tas-selettività u/jew tal-ispejjeż spoporzjonati fil-ġestjoni tal-qabdiet inċidentali, il-Kummissjoni tqis xieraq li tistabbilixxi eżenzjonijiet de minimis skont il-livell perċentwali propost fir-rakkomandazzjoni konġunta, li għandhom ikunu fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(5)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(15)

L-Artikolu 18a tar-Regolament (KE) Nru 850/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, għall-finijiet li jiġu adottati l-pjanijiet ta' skartar u għall-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art, daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni (MCRS) bil-għan li jiżgura li jitħarsu ż-żgħar tal-organiżmi marittimi. Meta jkun xieraq, id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni jistgħu jidderogaw mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98. Għall-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES jixraq li jinżammu d-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2015/2440, jiġifieri tul totali ta' 105 mm u tul tal-qoxra ta' 32 mm. Għandu jiżdied tul tad-denb minimu ta' 59 mm, skont ir-Rakkomandazzjoni Konġunta u l-valutazzjoni tas-STECF li tiddikjara li dan it-tul tad-denb jikkorrispondi għall-valuri eżistenti għat-tul totali u t-tul tal-qoxra.

(16)

Il-pjanijiet ta' skartar jistgħu jinkludu wkoll miżuri tekniċi għas-sajd jew għall-ispeċijiet koperti mill-obbligu tal-ħatt l-art. Biex tiżdied is-selettività tal-irkaptu u jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali fi Skagerrak, jixraq li jinżammu għadd ta' miżuri tekniċi, li ġew maqbula bejn l-Unjoni u n-Norveġja fl-2011 (5) u fl-2012 (6).

(17)

Biex jiġi żgurat kontroll xieraq, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi għall-Istati Membri biex jistabbilixxu l-listi tal-bastimenti li huma koperti b'dan ir-Regolament.

(18)

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-istaġun tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni u fuq l-ippjanar ta' dan l-istaġun tas-sajd, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018 biex jikkonforma mal-iskeda taż-żmien stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art

L-obbligu tal-ħatt l-art previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika fis-Subżona IV tal-ICES (il-Baħar tat-Tramuntana), id-Diviżjoni IIIa tal-ICES (Kattegat u Skagerrak) u l-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (il-Baħar Norveġiż) għas-sajd stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Panew Seltra” tfisser apparat ta' għażla magħmul minn panew ta' fuq b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 270 mm (malja maqrut) imqiegħed f'sezzjoni b'erba' panewiet u immuntat bi proporzjon ta' tliet malji ta' 90 mm għal kull malja ta' 270 mm, jew b'panew ta' fuq b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 140 mm (malja kwadra). Il-panew huwa twil mill-inqas 3 metri, ma jinsabx aktar minn 4 metri 'l bogħod mis-siegla tal-għeluq u għandi l-wisa' kollu tal-folja ta' fuq tax-xibka tat-tkarkir (jiġifieri minn ċmusa sa ċmusa).

(2)

“Apparat ta' selettività Netgrid” tfisser apparat ta' selettività magħmul minn sezzjoni b'erba' panewiet imdaħħla f'xibka tat-tkarkir b'żewġ panewiet b'biċċa xibka inklinata ta' malja maqrut b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 200 mm, li twassal għal toqba minn fejn jaħarbu fil-parti ta' fuq tax-xibka.

Artikolu 3

Regoli speċifiċi dwar l-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw

Minkejja l-Artikolu 1, l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet tal-bakkaljaw skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss jekk ir-Regolament (KE) Nru 1342/2008 jew il-Kapitolu III tiegħu jitħassru qabel l-1 ta' Jannar 2017.

Artikolu 4

Eżenzjonijiet relatat mas-sopravivenza tal-iskampu

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta' sopravivenza, għandha tapplika għall-qabdiet li ġejjin tal-iskampu:

(a)

qabdiet bin-nases (FPO (7));

(b)

qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 70 mm mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm;

(c)

qabdiet fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 90 mm mgħammra b'panew seltra;

(d)

fl-2017, qabdiet fid-Diviżjoni IV tal-ICES bix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) b'daqs tal-malji ta' mill-inqas 80 mm mgħammra b'apparat ta' selettività Netgrid.

2.   L-iskampu li jinqabad fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi rilaxxat kollu immedjatament, u fiż-żona fejn ikun inqabad.

3.   Qabel l-1 ta' Mejju 2017, l-Istati Membri li jkollhom interess dirett fil-ġestjoni tas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni dejta addizzjonali minn dik prevista fir-Rakkomandazzjoni Konġunta tat-3 ta' Ġunju 2016 u kull informazzjoni xjentifika rilevanti oħra li tappoġġa l-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1(d). Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) għandu jivvaluta dik id-dejta u dik l-informazzjoni sal-1 ta' Settembru 2017.

Artikolu 5

Eżenzjoni relatata mas-sopravivenza tal-lingwata komuni

1.   L-eżenzjoni mill-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li l-evidenza xjentifika turi rati għolja ta' sopravivenza, għandha tapplika fl-2017 għall-qabdiet tal-lingwata komuni taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni magħmula f'sitt mili nawtiċi tal-kosta fiż-żona IVc tal-ICES u barra ż-żoni identifikati ta' tkabbir bl-għażel tat-tkarkir (OTB) bid-daqs tal-malji tal-manka ta' bejn 80 u 99 mm.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss għall-bastimenti b'tul massimu ta' 10 metri, b'saħħa massima tal-magna ta' 180 kW, meta s-sajd isir f'ilmijiet fondi 15-il metru jew inqas u b'tul ta' rmunkar limitat ta' mhux aktar minn siegħa u nofs.

3.   Il-lingwata komuni maqbuda fil-każijiet msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinħeles mal-ewwel.

4.   Qabel l-1 ta' Mejju 2017, l-Istati Membri li jkollhom interess dirett fil-ġestjoni fil-Baħar tat-Tramuntana għandhom jippreżentaw informazzjoni xjentifika addizzjonali lill-Kummissjoni bħala appoġġ għall-eżenzjoni stabbilita fil-paragrafu 1. Is-STECF għandu jivvaluta dik l-informazzjoni sal-1 ta' Settembru 2017.

Artikolu 6

Eżenzjonijiet de minimis

B'deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jistgħu jiġu skartati l-kwantitajiet li ġejjin skont l-Artikolu 15(4)(c) ta' dak ir-Regolament:

(a)

għal-lingwata komuni, sa massimu ta' 3 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tal-parit u tal-għażel (GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF) fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES, fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES;

(b)

għal-lingwata komuni inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 7 % fl-2017 u, fl-2018, 6 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (TBB) bid-daqs tal-malji ta' bejn 80 u 119-il mm b'daqs akbar tal-malji fl-estensjoni tax-xibka tat-tkarkir bi travu fis-Subżona IV tal-ICES;

(c)

għall-iskampu inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 6 % tal-qabdiet annwali totali ta' din l-ispeċi minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir bi travu (OTB, TBN, OTT, TB) bid-daqs tal-malji ta' bejn 80 u 99 mm fis-Subżona IV tal-ICES u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES;

(d)

fl-2017, għal-lingwata komuni u għall-merluzz tal-linja sewda kkombinati, inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 2 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-gamblu tat-Tramuntana fis-sajd għall-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) bid-daqs tal-malji li jkun daqs jew akbar minn 70 mm u mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES;

(e)

fl-2018, għal-lingwata komuni, għall-merluzz tal-linja sewda u għall-merlangu kkombinati, inqas mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni, sa massimu ta' 4 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu u tal-gamblu tat-Tramuntana fis-sajd għall-iskampu minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, TBN) bid-daqs tal-malji li jkun daqs jew akbar minn 70 mm u mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES;

(f)

għal-lingwata komuni, għall-merluzz tal-linja sewda u għall-merlangu kkombinati, sa massimu ta' 1 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda fis-sajd, tal-merlanguu tal-gamblu tat-Tramuntana fis-sajd għall-gambu tat-Tramuntana minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB) bid-daqs tal-malji li jkun daqs jew akbar minn 35 mm u mgħammra bi gradilja tat-tgħarbil tal-ispeċijiet bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 19 mm, bil-ħruġ mhux iblukkat għall-ħut, fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES.

(g)

għal-lingwata komuni, għall-merluzz tal-linja sewda u għall-merlangu kkombinati, sa massimu ta' 0,5 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu u tal-gamblu tat-Tramuntana fis-sajd għall-iskampu bil-kavetti (FPO), fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES.

(h)

fl-2018, għall-merlangu, sa massimu ta' 7 % tal-qabdiet annwali totali tal-iskampu, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-lingwata, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-merlangu, tal-barbun tat-tbajja', tal-pollakkju iswed u tal-bakkaljaw fis-sajd imħallaT għal-lingwata, il-merlangu u l-ispeċijiet mingħajr limitu ta' qbid minn bastimenti li jużaw ix-xbieki tat-tkarkir tal-qiegħ (OTB, OTT) bid-daqs tal-malji ta' bejn 70 u 99 mm fid-Diviżjoni IVc tal-ICES.

Artikolu 7

Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni

B'deroga mid-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 850/98, id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tal-iskampu fid-Diviżjoni IIIa tal-ICES għandu jkun kif ġej:

(a)

tul totali ta' 105 mm;

(b)

tul tad-denb ta' 59 mm;

(c)

tul tal-qoxra ta' 32 mm.

Artikolu 8

Miżuri tekniċi u speċifiċi fi Skagerrak

1.   Fi Skagerrak huwa pprojbit il-ġarr abbord jew l-użu tax-xbieki tat-tkarkir, tat-tartarun Daniż, tax-xbieki tat-tkarkir bi travu jew ta' xbieki rmunkati simili li għandhom id-daqs tal-malji ta' inqas minn 120 mm.

2.   B'deroga mill-paragarfu 1, jistgħu jintużaw ukoll ix-xbieki tat-tkarkir li ġejjin:

(a)

xbieki tat-tkarkir b'manka bid-daqs tal-malji ta' mill-inqsas 90 mm, sakemm ikunu mgħammra b'panew seltra jew b'gradilja li tissepara bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm.

(b)

xbieki tat-tkarkir b'manka bid-daqs tal-malji ta' mill-inqas 70 mm (malja kwadra) mgħammra bi gradilja li tissepara bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 35 mm;

(c)

xbieki tat-tkarkir b'daqsijiet minimi tal-malji ta' mhux aktar minn 70 mm għas-sajd tal-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali, sakemm il-qabda tkun tinkludi aktar minn 80 % ta' waħda jew aktar mill-ispeċijiet pelaġiċi jew industrijali;

(d)

xbieki tat-tkarkir b'manka bid-daqs tal-malji ta' mill-inqas 35 mm għas-sajd tal-ispeċi Pandalus, sakemm ix-xibka tat-tkarkir tkun mgħammra bi gradilja li tissepara bi spazju ta' bejn il-vireg ta' mhux aktar minn 19-il mm.

3.   Skont il-paragrafu 2(d), waqt is-sajd għall-ispeċi Pandalus jista' jintuża apparat għall-konservazzjoni tal-ħut, sakemm ikun hemm opportunitajiet tas-sajd adegwati li jkopru l-qabdiet aċċessorji u l-apparat ta' konservazzjoni jkun:

mibni b'panew ta' fuq b'daqs minimu tal-malji ta' 120 mm ta' malja kwadra;

twil mill-inqas 3 metri; u

wiesa' mill-inqas daqs il-wisa' tal-gradilja li tissepara.

Artikolu 9

Lista ta' bastimenti

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament, il-bastimenti soġġetti għall-obbligu tal-ħatt l-art għal kull sajda partikolari. Bis-sit web sikur ta' kontroll tal-Unjoni, sal-31 ta' Diċembru 2016 l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, il-listi tal-bastimenti kollha maħsuba għas-sajd tal-pollakkju iswed kif definit fl-Anness, stabbiliti skont l-ewwel sentenza. Dawk il-listi għandhom jinżammu aġġornati.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2018.

Madankollu, l-Artikolu 9 għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.

(2)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.

(3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2440 tat-22 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi pjan ta' skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u fl-ilmijiet tal-Unjoni tad-Diviżjoni IIa tal-ICES (ĠU L 336, 23.12.2015, p. 42).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20).

(5)  Rekord maqbul ta' konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar ir-regolamentazzjoni tas-sajd fi Skagerrak u f'Kattegat għall-2012.

(6)  Rekord maqbul ta' konsultazzjonijiet dwar is-sajd bejn in-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar il-miżuri għall-implimentazzjoni ta' projbizzjoni fuq l-iskartar u ta' miżuri ta' kontroll fiż-żona ta' Skagerrak, l-4 ta' Lulju 2012.

(7)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'dan ir-Regolament jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta' April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1). Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.


ANNESS

Sajd soġġett għall-obbligu tal-ħatt l-art:

Irkaptu tas-sajd (1)  (2)

Daqs tal-malja

Speċijiet ikkonċernati

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

≥ 100 mm

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-pollakkju iswed (jekk maqbuda b'bastiment maħsub għall-pollakkju iswed (3)), tal-barbun tat-tbajja', tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu, tal-lingwata, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-lingwata komuni u tal-iskampu.

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

70-99 mm

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-gamblu tat-Tramuntana.

Fl-2018: il-qabdiet kollha tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir:

OTB, OTT, OT, PTB, PT, TBN, TBS, OTM, PTM, TMS, TM, TX, SDN, SSC, SPR, TB, SX, SV

32-69 mm

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir bi travu:

TBB

≥ 120 mm

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-barbun tat-tbajja', tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-bakkaljaw, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu.

Xbieki tat-tkarkir bi travu:

TBB

80-119 mm

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-iskampu u tal-merluzz tal-linja sewda.

Fl-2018: il-qabdiet kollha tal-merlangu.

Xbieki tal-għażel, tal-parit u tat-tħabbil:

GN, GNS, GND, GNC, GTN, GTR, GEN, GNF

 

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-lingwata komuni, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-iskampu, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu u tal-bakkaljaw (4).

Snanar u lenzi:

LLS, LLD, LL, LTL, LX, LHP, LHM

 

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-merluzz, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-iskampu, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda, tal-merlangu u tal-bakkaljaw.

Nases:

FPO, FIX, FYK, FPN

 

Fl-2017 u fl-2018: il-qabdiet kollha tal-iskampu, tal-gamblu tat-Tramuntana, tal-lingwata komuni, tal-merluzz tal-linja sewda u tal-merlangu.


(1)  Il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-Tabella jirreferu għal dawk il-kodiċijiet fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.

(2)  Għall-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa inqas minn 10 metri, il-kodiċijiet tal-irkaptu użati f'din it-tabella jirreferu għall-kodiċijiet mill-klassifikazzjoni tal-irkaptu tal-FAO.

(3)  Il-bastimenti jitqiesu maħsuba għall-pollakkju iswed jekk, meta jintużaw ix-xbieki tat-tkarkir b'daqs tal-malji ≥ 100 mm, il-medja annwali ta' ħatt l-art tal-pollakkju iswed tkun ta' ≥ 50 % tal-ħatt l-art kollu tal-bastiment, maqbuda kemm fiż-żoni tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi terzi tal-Baħar tat-Tramuntana matul il-perjodu ta' x – 4 sa x – 2, fejn x hija s-sena tal-applikazzjoni; jiġifieri, bejn l-2012 u l-2014 għall-2016, bejn l-2013 u l-2015 għall-2017 u bejn l-2014 ul-2016 għall-2018. Il-bastimenti li jitqiesu maħsuba għas-sajd tal-pollakkju iswed f'sena partikolari, jibqgħu jitqiesu l-istess fis-snin ta' wara.

(4)  L-obbligu tal-ħatt l-art għall-bakkaljaw li jinqabad bix-xbieki tal-għażel, tal-parit u tat-tħabbil ma għandux japplika fiż-żona IIIaS tal-ICES.


15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/9


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2251

tal-4 ta' Ottubru 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kontropartijiet għandhom obbligu li jipproteġu lilhom infushom kontra skoperturi ta' kreditu għal kontropartijiet tad-derivattivi bil-ġbir ta' marġnijiet meta dawn il-kuntratti ma jiġux ikklirjati minn kontroparti ċentrali. Ir-Regolament jistabbilixxi standards għall-iskambju ta' kollateral f'waqtu, preċiż u ssegregat b'mod xieraq. Dawn l-istandards jinħtieġ li japplikaw fuq bażi mandatorja għall-kollateral li l-kontropartijiet huma meħtieġa jiġbru jew jibagħtu skont dan ir-Regolament. Madankollu, il-kontropartijiet li jaqblu li jiġbru jew jibagħtu kollateral lil hinn mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament jinħtieġ li jkunu kapaċi jagħżlu jekk jiskambjawx jew le dan il-kollateral konformi ma' dawn l-istandards.

(2)

Il-kontropartijiet soġġetti għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jinħtieġ li jikkunsidraw il-profili tar-riskju differenti tal-kontropartijiet mhux finanzjarji li huma taħt il-livell limitu tal-kklirjar imsemmi fl-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament meta jistabbilixxu l-proċeduri tal-immaniġġar tar-riskju tagħhom għall-kuntratti tad-derivattivi barra l-Borża (over-the-counter, “OTC”) konklużi ma' dawn l-entitajiet. Għaldaqstant huwa xieraq li l-kontropartijiet jitħallew jiddeterminaw jekk il-livell tar-riskju ta' kreditu tal-kontroparti li jinħoloq minn dawn il-kontropartijiet mhux finanzjarji li huma taħt dan il-livell limitu tal-ikklirjar jeħtieġx li jiġi mitigat permezz tal-iskambju ta' kollateral. Billi wieħed jista' jassumi li l-kontropartijiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz li jistgħu jkunu taħt il-livell limitu tal-ikklirjar jekk stabbiliti fl-Unjoni għandhom l-istess profili ta' riskju bħall-kontropartijiet mhux finanzjarji taħt il-livell limitu tal-ikklirjar stabbiliti fl-Unjoni, l-istess approċċ jinħtieġ li jiġi applikat għaż-żewġ tipi ta' entitajiet sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju.

(3)

Il-kontropartijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment għandhom bżonn li jiġu protetti mir-riskju ta' inadempjenza potenzjali tal-kontroparti l-oħra. Għaldaqstant, huma meħtieġa żewġ tipi ta' kollateral fil-forma ta' marġnijiet biex jiġu mmaniġġati kif suppost ir-riskji li għalihom dawn il-kontropartijiet jiġu esposti. L-ewwel tip huwa marġni ta' varjazzjoni, li jipproteġi l-kontropartijiet kontra skoperturi relatati mal-valur attwali tas-suq tal-kuntratt tad-derivattivi OTC tagħhom. It-tieni tip huwa marġni inizjali, li jipproteġi l-kontropartijiet kontra telf potenzjali li jista' joriġina minn movimenti fil-valur tas-suq tal-pożizzjoni tad-derivattivi li jseħħ bejn l-aħħar skambju tal-marġni ta' varjazzjoni qabel l-inadempjenza ta' kontroparti u l-ħin li fih il-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu sostitwiti jew li fih ir-riskju korrispondenti jiġi ħħeġġjat.

(4)

Billi l-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, “CCPs”) jistgħu jkunu awtorizzati bħala istituzzjoni ta' kreditu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġu esklużi l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jidħlu fihom is-CCPs waqt proċess ta' mmaniġġar ta' inadempjenza mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament billi dawn il-kuntratti jkunu diġa soġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 153/2013 (2) u għaldaqstant mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(5)

Għal kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jinvolvu l-ħlas ta' primjum minn qabel biex tiġi garantita l-prestazzjoni tal-kuntratt, il-kontroparti li tirċievi l-ħlas tal-primjum (il-“bejjiegħ ta' għażliet”) ma jkollhiex skopertura attwali jew potenzjalment futura għall-kontroparti. Barra dan, il-valwazzjoni ta' kuljum skont is-suq ta' dawn il-kuntratti hija diġà koperta mill-ħlas tal-primjum. Għaldaqstant, meta s-sett tan-nettjar stabbilit jikkonsisti minn dawn il-pożizzjonijiet ta' għażla, il-bejjiegħ ta' għażliet jinħtieġ li jkun f'pożizzjoni li jagħżel li ma jiġborx marġnijiet inizjali jew ta' varjazzjoni għal dawn it-tipi ta' derivattivi OTC sakemm il-bejjiegħ ta' għażliet ma jkun espost għall-ebda riskju ta' kreditu. Il-kontroparti li tħallas il-primjum (ix-“xerrej ta' għażliet”), madankollu, jinħtieġ li tiġbor kemm il-marġnijiet inizjali kif ukoll dawk ta' varjazzjoni.

(6)

Waqt li l-proċessi tas-soluzzjoni tat-tilwim inklużi fil-ftehimiet bilaterali bejn kontropartijiet huma utli għall-minimizzazzjoni tat-tul u l-frekwenza tat-tilwim, jinħtieġ li l-kontropartijiet, fl-ewwel istanza, jiġbru tal-inqas l-ammont mhux disputat f'każ li jkun hemm dubju dwar l-ammont ta' eżerċitazzjoni ta' marġni. Dan inaqqas ir-riskju li jinħoloq mit-tranżazzjonijiet li dwarhom ikun hemm tilwim u għaldaqstant jiġi żgurat li l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment jiġu kkollateralizzati sa fejn dan ikun possibbli.

(7)

Sabiex jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi fil-ġuriżdizzjonijiet kollha, meta kontroparti stabbilita fl-Unjoni tidħol f'kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ma' kontroparti stabbilita f'pajjiż terz, jinħtieġ li l-marġnijiet inizjali u ta' varjazzjoni jiġu skambjati fiż-żewġ direzzjonijiet. Jinħtieġ li l-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni li jagħmlu tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet stabbiliti f'pajjiżi terzi jibqgħu soġġetti għall-obbligi tal-valutazzjoni tal-infurzabbiltà ġuridika tal-ftehimiet bilaterali u l-effikaċja tal-ftehimiet ta' segregazzjoni.

(8)

Huwa xieraq li l-kontropartijiet jitħallew japplikaw ammont ta' trasferiment minimu meta jiskambjaw kollateral sabiex jitnaqqas il-piż operazzjonali tal-iskambju ta' somom limitati meta l-iskoperturi jimxu ftit biss. Madankollu, jinħtieġ li jiġi żgurat li dan l-ammont ta' trasferiment minimu jintuża bħala għodda operazzjonali u mhux bil-għan li jservi bħala linja ta' kreditu mhux kollateralizzat bejn il-kontropartijiet. Għaldaqstant, jinħtieġ li jiġi stabbilit livell massimu għal dak l-ammont ta' trasferiment minimu.

(9)

Għal raġunijiet operazzjonali, f'xi każijiet jista' jkun iktar xieraq li jkun hemm ammonti ta' trasferiment minimu separati għall marġni inizjali u tal-varjazzjoni. F'każijiet bħal dawn jinħtieġ li jkun possibbli li l-kontropartijiet jaqblu dwar ammonti ta' trasferiment minimi separati għall-marġni ta' varjazzjoni u inizjali. Madankollu, is-somma tal-ammonti ta' trasferiment minimi separati ma tinħtiġx taqbeż il-livell massimu tal-ammont ta' trasferiment minimu. Għal raġunijiet prattiċi, jinħtieġ li jkun possibbli li jiġi definit l-ammont ta' trasferiment minimu fil-valuta li fiha normalment jiġu skambjati l-marġnijiet, li tista' ma tkunx l-euro.

(10)

Xi ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi jistgħu jiddeterminaw kamp ta' applikazzjoni differenti għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tar-rekwiżiti tagħhom għall-iskambju ta' kollateral rigward il-kuntratti tad-derivattivi OTC li ma jiġux ikklirjati ċentralment. Għaldaqstant, li kieku dan ir-Regolament kellu jeżiġi li l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment u rregolati mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 biss jiġu inklużi fil-kalkoli tal-marġnijiet għall-settijiet tan-nettjar transfruntieri, il-kontropartijiet f'ġurisdizzjonijiet differenti potenzjalment jista' jkollhom jirdoppjaw il-kalkoli meħtieġa biex jikkunsidraw definizzjonijiet differenti jew kampi ta' applikazzjoni differenti ta' prodotti taħt ir-rekwiżiti tal-marġnijiet rispettivi. Dan jista' jwassal għal kalkoli ta' marġnijiet mgħawġin. Barra dan, dan aktarx iżid ir-riskju ta' tilwim. Għaldaqstant, il-fatt li jiġi permess l-użu ta' sett usa' ta' prodotti f'settijiet tan-nettjar tranfruntieri li jinkludu l-kuntratti tad-derivattivi OTC kollha li huma soġġetti għal skambju ta' kollateral f'ġurisdizzjoni partikolari jew oħra jista' jiffaċilita proċess ta' ġbir ta' marġnijiet b'inqas xkiel. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-mira tan-nuqqas ta' riskju sistemiku tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, billi firxa usa' ta' prodotti tista' tkun soġġetta għar-rekwiżiti tal-marġnijiet.

(11)

Il-kontrapartijiet jistgħu jagħżlu li jiġbru l-marġnijiet inizjali fi flus, fejn f'dan il-każ il-kollateral ma għandu jkun soġġett għall-ebda haircut, bil-kundizzjoni li l-valuta tal-kollateral taqbel mal-valuta li fiha huwa espress il-kuntratt. Madankollu, meta l-marġnijiet inizjali jinġabru fi flus f'valuta differenti mill-valuta li fiha huwa espress il-kuntratt, l-ispariġġ fil-valuti jista' jiġġenera riskju tal-kambju. Għal din ir-raġuni, haircut tal-ispariġġ fil-valuti jinħtieġ li tapplika għall-marġnijiet inizjali miġbura fi flus f'valuta oħra. Għall-marġnijiet ta' varjazzjoni miġbura fi flus mhija meħtieġa l-ebda haircut f'konformità mal-qafas BCBS-IOSCO, saħansitra meta l-ħlas jitwettaq f'valuta differenti mill-valuta tal-kuntratt.

(12)

Meta stabbilixxew il-livell tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali, il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli qiesu żewġ aspetti b;mod espliċitu, kif ġie rifless fil-qafas tagħhom, “Margin requirements for non-centrally cleared derivatives” ta' Marzu 2015 (“il-qafas BCBS-IOSCO”). L-ewwel aspett huwa d-disponibbiltà ta' kwalità għolja ta' kreditu u ta' assi likwidi li jkopru r-rekwiżiti tal-marġnijiet inizjali. It-tieni aspett huwa l-prinċipju ta-proporzjonalità, billi kontropartijiet finanzjarji u mhux finanzjarji iżgħar jistgħu jintlaqtu b'mod sproporzjonat mir-rekwiżiti tal-marġnijiet tal-bidu. Biex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti, dan ir-Regolament jinħtieġ li jintroduċi limitu massimu li jkun eżattament l-istess bħal dak fil-qafas BCBS-IOSCO li taħtu żewġ kontropartijiet ma jkunux meħtieġa jiskambjaw marġni inizjali. Dan jinħtieġ li jnaqqas l-ispejjeż u l-piż operazzjonali b'mod sostanzjali għall-parteċipanti iżgħar u jindirizza t-tħassib dwar id-disponibbiltà ta' kwalità għolja ta' kreditu u assi likwidi mingħajr ma jiġu mminati l-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Waqt li l-limiti massimi dejjem jinħtieġ li jiġu kkalkulati fil-livell tal-gruppi, il-fondi ta' investiment jinħtieġ li jiġu ttrattati bħala każ speċjali billi jistgħu jiġu mmaniġġati minn maniġer ta' investiment singolu u jinqabdu bħala grupp singolu. Madankollu, meta l-fondi jkunu gruppi distinti ta' assi u ma jkunux kollateralizzati, iggarantiti jew appoġġati minn fondi ta' investiment oħrajn jew il-maniġer tal-investiment innifsu, ikunu relativament 'il bogħod mir-riskju filkonfornt tal-bqija tal-grupp. Dawn il-fondi ta' investiment għaldaqstant jinħtieġ li jiġu ttrattati bħala entitajiet separati meta jiġu kkalkulati l-limiti massimi, f'konformità mal-qafas BCBS-IOSCO.

(14)

Rigward il-marġni inizjali, ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament aktarx ikollhom impatt li jista' jitkejjel fuq il-likwidità tas-swieq, billi l-assi pprovduti bħala kollateral ma jistgħux jiġu llikwidati jew jintużaw mill-ġdid b'xi mod ieħor għad-durata tal-kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment. Dawn ir-rekwiżiti jirrappreżentaw bidla sinifikanti fil-prattika tas-suq u jippreżentaw ċerti sfidi operazzjonali u prattiċi li jeħtieġu li jiġu mmaniġġati hekk kif ir-rekwiżiti l-ġodda jidħlu fis-seħħ. Waqt li jiġi kkunsidrat li l-marġni ta' varjazzjoni diġà jkopri fluttwazzjonijiet realizzati fil-valur tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment sal-punt tal-inadempjenza, huwa meqjus proprzjonat li jiġi applikat limitu massimu ta' EUR 8 biljun f'ammonti nozzjonali grossi ta' kuntratti OTC pendenti għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-marġni inizjali. Dan il-limitu massimu japplika fil-livell tal-gruppi jew, meta l-kontroparti ma tkunx parti minn grupp, fil-livell tal-entità singola. L-ammont nozzjonali gross aggregat tal-kuntratti pendenti jinħtieġ li jintuża bħala referenza adegwata billi huwa metrika xierqa għall-kejl tad-daqs u l-kumplessità ta' portafoll ta' kuntratti ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment. Huwa wkoll referenza li tista' tiġi mmonitorjata u rrappurtata b'mod faċli. Dawn il-limiti massimi huma konformi wkoll mal-qafas BCBS-IOSCO għall-kuntratti ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment u għaldaqstant huma konsistenti mal-istandards internazzjonali.

(15)

L-iskoperturi li jinħolqu mill-kuntratti jew kontropartijiet li huma eżenti b'mod temporanju jew permanenti jew parzjalment eżenti minn marġnijiet, jinħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kalkolu tal-ammont nozzjonali gross aggregat. Dan minħabba li l-kuntratti kollha jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tad-daqs u l-kumplessità tal-portafoll ta' kontroparti. Għaldaqstant, il-kuntratti ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament huma rilevanti wkoll għad-determinazzjoni tad-daqs, l-iskala u l-kumplessità tal-portafoll tal-kontroparti u għaldaqstant jinħtieġ li jiġu inklużi wkoll fil-kalkolu tal-limiti massimi.

(16)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti proċeduri speċjali ta' mmaniġġjar tar-riskju għal ċerti tipi ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li juru profili tar-riskju partikolari. B'mod partikolari, l-iskambju ta' marġni ta' varjazzjoni mingħajr marġni inizjali jinħtieġ li, b'konsistenza mal-qafas BCBS-IOSCO, jitqies bħala skambju xieraq ta' kollateral għall-kuntratti ta' kambju saldati 'mod fiżiku. B'mod simili, billi skambji bejn valuti jistgħu jiġu dekomposti f'sekwenza ta' tranżazzjonijiet forward tal-kambju, il-komponent tar-rata tal-imgħax biss jinħtieġ li jiġi kopert mill-marġni inizjali.

(17)

Jinħtieġ li jittieħed kont tal-impedimenti li jħabbtu wiċċhom magħhom l-emittenti ta' bonds koperti jew puli ta' kopertura meta jipprovdu kollateral. Għaldaqstant, taħt sett ta' kundizzjonijiet speċifiċi, l-emittenti ta' bonds koperti jew puli ta' kopertura ma jinħtiġx li jkunu meħtieġa li jdaħħlu kollateral. Dan jinħtieġ li jippermetti ftit flessibbiltà għall-emittenti ta' bonds koperti jew puli ta' kopertura waqt li jiżgura li r-riskji għall-kontropartijiet tagħhom jiġu limitati. Emittenti ta' bonds koperti jew puli ta' kopertura jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' impedimenti legali biex jiġi depożitat jew jinġabar kollateral mhux fi flus għal marġni inizjali jew ta' varjazzjoni jew jiġi depożitat marġni ta' varjazzjoni fi flus kontanti billi l-pagament ta' marġni ta' varjazjoni jista' jitqies bħala talba li tieħu preċedenza fuq it-talbiet tal-emittenti ta' bonds, u dan jista' jwassal għal impediment legali. Bl-istess mod, il-possibbiltà li marġni inizjali jiġi sostitwit jew irtirat jista' jitqies bħala talba li tieħu preċedenza fuq it-talbiet tal-emittent ta' bonds li jħabbtu wiċċhom ma' l-istess tip ta' limiti. Madankollu, ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq emittent ta' bonds koperti jew ta' grupp kopert biex irodd lura flus miġbura qabel bħala marġni ta' varjazzjoni. Għaldaqstant, il-kontropartijiet tal-emittenti ta' bonds koperti jew ta' puli ta' kopertura jinħtieġ li jkunu meħtieġa jibagħtu marġni ta' varjazzjoni fi flus u jinħtieġ li jkollhom id-dritt li jiksbu lura parti minn din is-somma jew is-somma kollha kemm hi, iżda l-emittenti ta' bonds koperti jew ta' gruppi koperti jinġtieġ li jkunu meħtieġa biss li jibagħtu marġni ta' varjazzjoni ekwivalenti għall-ammont fi flus li jkunu rċevew qabel.

(18)

Il-kontropartijiet dejjem jinħtieġu li jivvalutaw l-infurzabbiltà ġuridika tan-nettjar u tal-ftehimiet ta' segregazzjoni tagħhom. Meta, għal dak li jirrigwarda l-qafas ġuridiku ta' pajjiż terz, dawn il-valutazzjonijiet jirriżultaw negattivi, il-kontropartijiet jinħtieġ li jiddependu fuq arranġamenti differenti mill-iskambjubidirezzjonali tal-marġnijiet. Bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mal-istandards internazzjonali, biex jiġi evitat li jkun impossibbli għall-kontropartijiet tal-Unjoni li jinnegozjaw mal-kontropartijiet f'dawn il-ġurisdizzjonijiet, u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kontropartijiet tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell limitu minimu li taħtu l-kontropartijiet jistgħu jinnegozjaw ma' kontropartijiet stabbiliti f'dawn il-ġurisdizzjonijiet mingħajr l-iskambju ta' marġnijiet inizjali jew ta' varjazzjoni. Meta l-kontropartijiet ikollhom il-possibbiltà li jiġbru marġnijiet u jistgħu jiżguraw li għall-kollateral miġbur, għall-kuntrarju tal-kollateral iddepożitat, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu jistgħu jintlaħqu, il-kontropartijiet tal-Unjoni dejjem jinħtieġ li jkunu meħtieġa jiġbru kollateral. L-iskoperturi minn kuntratti ma' kontropartijiet stabbiliti f'ġurisdizzjonijiet ta' pajjiż terz li ma huma koperti mill-ebda skambju ta' kollateral minħabba l-impedimenti legali f'dawn il-ġurisdizzjonijiet jinħtieġ li jiġu mrażżna bl-istabbiliment ta' limitu, billi l-kapital mhuwiex meqjus ekwivalenti għal skambju ta' marġni rigward l-iskoperturi li jinħolqu minn kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment u mhux il-kontropartijiet kollha soġġetti għar-rekwiżiti tal-marġnijiet skont dan ir-Regolament huma soġġetti wkoll għal rekwiżiti tal-kapital. Dan il-limitu jinħtieġ li jiġi stabbilit b'mod li l-kalkolu u l-verifika tiegħu jkunu sempliċi. Biex jiġi evitat li r-riskju sistemiku jakkumula u biex jiġi evitat li dan it-trattament speċifiku joħloq il-possibbiltà ta' ċirkumvenzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-limitu jinħtieġ li jiġi stabbilit f'livell konservattiv. Dawn it-trattamenti jistgħu jitqiesu prudenti biżżejjed, minħabba li jeżistu tekniki oħrajn ta' mitigazzjoni tar-riskju bħala alternattiva għall-marġnijiet.

(19)

Sabiex ikun hemm salvagwardja kontra l-każ meta l-kollateral ma jkunx jista' jiġi likwidat minnufih wara l-inadempjenza ta' kontroparti, huwa meħtieġ, meta jsir il-kalkolu tal-marġni inizjali, li jiġi kkunsidrat il-perjodu ta' żmien mill-iskambju l-iktar reċenti ta' kollateral li jkopri sett tan-nettjar ta' kuntratti ma' kontroparti kontumaċi sakemm il-kuntratti jingħalqu u r-riskju tas-suq li jirriżulta jiġi ħħeġġjat mill-ġdid. Dan il-perjodu ta' żmien huwa magħruf bħala l-“perjodu b'riskju ta' marġni” (margin period of risk, “MPOR”) u huwa l-istess għodda bħal dik użata fl-Artikolu 272(9) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), rigward il-kreditu ta' riskju tal-kontropartijiet tal-istituzzjonijiet tal-kreditu. Madankollu, billi l-objettivi taż-żewġ Regolamenti huma differenti, u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jistabbilixxi regoli għall-kalkolu tal-MPOR għall-fini tar-rekwiżiti dwar il-fondi proprji biss, jinħtieġ li dan ir-Regolament jinkludi regoli speċifiċi dwar l-MPOR meħtieġa fil-kuntest tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskji għall-kuntratti ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment. L-MPOR jinħtieġ li jikkunsidra l-proċessi meħtieġa minn dan ir-Regolament għall-iskambju ta' marġnijiet.

(20)

Marġni inizjali u ta' varjazzjoni ġeneralment jinħtieġ li jiġu skambjati mhux iktar tard mit-tmiem tal-jum ta' negozju wara l-jum tal-eżekuzzjoni. Madankollu, hija permessa estensjoni taż-żmien għall-iskambju tal-marġni ta' varjazzjoni meta jiġi kkumpensat minn kalkolu adegwat tal-MPOR. B'mod alternattiv, meta ma japplika l-ebda marġni inizjali, jinħtieġ li tiġi permessa estensjoni jekk jinġabar ammont xieraq ta' marġni ta' varjazzjoni addizzjonali.

(21)

Meta jiġu żviluppati mudelli ta' marġnijiet inizjali u meta jiġi kkalkulat l-MPOR xieraq, il-kontropartijiet jinħtieġ li jikkunsidraw il-ħtieġa li jkollhom mudelli li jaqbdu l-likwidità tas-suq, in-numru ta' parteċipanti f'dak is-suq partikolari u l-volum tal-kuntratti tad-derivattivi OTC rilevanti. Fl-istess ħin teżisti l-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell li ż-żewġ partijiet jistgħu jifhmu, jirriproduċu u li jkunu jistgħu jiddependu fuqu biex isolvu t-tilwim. Għaldaqstant il-kontropartijiet jinħtieġ li jkunu jistgħu jikkalibraw il-mudell u jikkalkulaw l-MPOR skont il-kundizzjonijiet tas-suq biss, mingħajr il-ħtieġa li jaġġustaw l-istimi tagħhom għall-karatteristiċi ta' kontropartijiet speċifiċi. Min-naħa l-oħra dan jimplika li l-kontropartijiet jistgħu jagħżlu li jadottaw mudelli differenti biex jikkalkulaw l-ammonti tal-marġni inizjali li jridu jiskambjaw bejniethom, u li dawn l-ammonti tal-marġni inizjali jistgħu ma jkunux simmetriċi.

(22)

Waqt li teżisti l-ħtieġa għal rikalibrazzjoni ta' mudell ta' marġni inizjali bi frekwenza suffiċjenti, kalibrazjoni ġdida tista' twassal għal livelli mhux mistennija ta' rekwiżiti tal-marġni. Għal din ir-raġuni, jinħtieġ li jiġi stabbilit perjodu ta' żmien xieraq, li waqtu l-marġnijiet xorta jkunu jistgħu jiġu skambjati abbażi tal-kalibrazzjoni preċedenti. Dan jinħtieġ li jagħti żmien biżżejjed lill-kontropartijiet biex jikkonformaw ma' appelli għall-marġni li jirriżultaw minn rikalibrazzjoni.

(23)

Il-kollateral jinħtieġ li jitqies bħala liberament trasferibbli jekk, fil-każ ta' inadempjenza tal-ispeditur tal-kollateral, ma jkun hemm l-ebda impediment regolatorju jew legali jew pretensjonijiet minn terza persuna, inklużi dawk tal-kustodju tat-terzi persuni. Madankollu, ċerti pretensjonijiet, bħall-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba għat-trasferiment tal-kollateral, fil-forma ta' irhna imposti b'mod regolari fuq it-trasferimenti kollha ta' titoli, ma jinħtiġx li jiġu meqjusa bħala impediment billi dan jista' jwassal għal sitwazzjoni fejn impediment dejjem jista' jiġi identifikat.

(24)

Il-kontroparti kollettriċi jinħtieġ li jkollha l-kapaċità operazzjonali li tillikwida l-kollateral fil-każ ta' inadempjenza tal-ispeditur tal-kollateral. Il-kontroparti kollettriċi jinħtieġ li tkun kapaċi wkoll li tuża l-introjtu fi flus tal-likwidazzjoni biex tidħol f'kuntratt ekwivalenti ma' kontroparti oħra jew li tiħħeġġja r-riskju li jirriżulta. Għaldaqstant, l-aċċes għas-suq jinħtieġ li jkun prerekwiżit għall-kollettur tal-kollateral biex ikun jista' jbigħ il-kollateral jew jakkwistah mill-ġdid f'ammont ta' żmien raġjonevoli. Din il-kapaċità jinħtieġ li tkun indipendenti mill-ispeditur tal-kollateral.

(25)

Il-kollateral miġbur irid jkun ta' likwidità għolja u ta' kwalità kreditizja suffiċjenti biex il-kontroparti kollettriċi tkun tista' tillikwida l-pożizzjonijiet mingħajr ma ssofri telf minħabba tibdil sinifikanti fil-valur f'każ li l-kontroparti l-oħra ssir kontumaċi. Il-kwalità kreditizja tal-kollateral jinħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta' metodoloġiji rikonoxxuti bħall-klassifikazzjonijiet ta' istituzzjonijiet esterni tal-valutazzjoni tal-kreditu. Madankollu, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' dipendenza mekkanistika fuq klassifikazzjonijiet esterni, jinħtieġ li jiġu introdotti għadd ta' salvagwardji addizzjonali. Dawn is-salvagwardji jinħtieġ li jinkludu l-possibbiltà li jintuża mudell Ibbażat fuq Klassifikazzjoni Interna (Internal Rating Based, “IRB”) u l-possibbiltà li tiddewwem is-sostituzzjoni tal-kollateral li jsir ineliġibbli minħabba tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni, bil-għan li jitnaqqsu b'mod effiċjenti l-effetti ta' preċipizju potenzjali li jistgħu jinħolqu minn dipendenza eċċessiva fuq klassifikazzjonijiet esterni tal-kreditu.

(26)

Waqt li l-haircuts inaqqsu r-riskju li l-kollateral miġbur ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet ta' marġni fi żmien ta' stress finanzjarju, huma wkoll meħtieġa mitiganti tar-riskju oħrajn meta jiġi aċċettat kollateral mhux fi flus sabiex jiġi żgurat li jkun jista' jiġi llikwidat b'mod effettiv. B'mod partikolari l-kontropartijiet jinħtieġ li jiżguraw li l-kollateral miġbur jiġi diversifikat b'mod raġjonevoli f'termini ta' emittenti individwali, tipi ta' emittenti u klassijiet ta' assi.

(27)

L-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-likwidazzjoni tal-kollateral iddepożitat minn kontropartijiet mhux sistemikament importanti huwa wieħed limitat. Barra dan, il-limiti ta' konċentrazzjoni fuq il-marġni inizjali jistgħu jikkostitwixxu piż għall-kontropartijiet b'portafolji tad-derivattivi tal-OTC żgħar billi jista' jkollhom disponibbli firxa limitata biss ta' kollateral eliġibbli biex jintbagħat. Għaldaqstant, anki jekk id-diversifikazzjoni tal-kollateral tikkostitwixxi mitigant tar-riskju validu, il-kontropartijiet importanti b'mod mhux sistemiku ma jinħtiġx ikunu meħtieġa jiddiversifikaw il-kollateral. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi u kontropartijiet oħrajn b'portafolji tad-derivattivi OTC kbar li jinnegozjaw ma' xulxin jinħtieġ li japplikaw il-limiti ta' konċentrazzjonijiet tal-inqas għall-marġni inizjali, inkluż rigward kollateral eliġibbli li jinkludi t-titoli tad-dejn sovran tal-Istati Membri. Dawn il-kontropartijiet huma sofistikati biżżejjed biex jittrasformaw il-kollateral jew biex ikollhom aċċess għal swieq u emittenti multipli biex jiddiversifikaw biżżejjed il-kollateral iddepożitat. L-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jipprevedi l-identifikazzjoni ta' istituzzjonijiet bħala sistemikament importanti skont il-liġi tal-Unjoni. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-kamp ta' applikazzjoni wiesa' tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jinħtieġ li jiġi introdott livell limitu kwantitattiv sabiex b'hekk ir-rekwiżiti għal-limiti ta' konċentrazzjoni japplikaw ukoll għall-kontropartijiet li jistgħu ma jaqgħux taħt dawk il-klassifikazzjonijiet eżistenti ta' istituzzjonijiet sistemikament importanti iżda li madankollu jinħtieġ li jkunu soġġetti għal limiti ta' konċentrazzjonijiet minħabba d-daqs tal-portafolji tad-derivattivi OTC tagħhom.

(28)

L-arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni huma soġġetti għal rekwżiti ta' kollateralizzazzjoni bilaterali. Madankollu, huwa importanti li jiġi evitat piż eċċessiv minn dawn ir-rekwiżiti fuq il-prestazzjoni mistennija ta' dawn l-iskemi u, konsegwentement, fuq l-introjtu tal-irtirar ta' pensjonanti futuri. L-obbligazzjonijiet tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjoni għall-persuni rtirati huma denominati f'valuti lokali u l-investimenti tagħhom, għaldaqstant, iridu jiġu denominati fl-istess valuta sabiex jiġu evitati l-kostijiet u r-riskji ta' diskrepanzi bejn il-valuti barranin. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi previst li l-limiti tal-konċentrazzjonijiet ma japplikawx għall-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjoni bl-istess mod bħal dawk tal-kontropartijiet. Madankollu, huwa importanti li jiġu stabbiliti proċeduri ta' mmaniġġar tar-riskji adegwati biex jiġu mmonitorjati u indirizzati r-riskji potenzjali ta' konċentrazzjoni li jinħolqu minn dan ir-reġim speċjali. Jinħtieġ li jsir monitoraġġ u reviżjoni tal-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet rigward l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjoni fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq.

(29)

Id-diffikultajiet fis-segregazzjoni tal-kollateral fi flus jinħtieġ li jiġu rikonoxxuti billi l-kontropartijiet jitħallew jibagħtu ammont limitat ta' marġni inizjali fil-forma ta' flus u billi l-kustodji jitħallew jinvestu mill-ġdid dan l-ammont ta' flus kollaterali. Madankollu, il-flus miżmuma minn kustodju jikkostitwixxu obbligazzjoni li l-kustodju jkollu lejn il-kontroparti li tiddepożita, u dan jiġġenera riskju ta' kreditu għall-kontroparti li tiddepożita. Għaldaqstant, sabiex jitnaqqas ir-riskju sistemiku, l-użu tal-flus bħala marġni inizjali jinħtieġ li jkun soġġett għal rekwiżiti ta' diversifikazzjoni tal-inqas għall-istituzzjonijiet sistemikament importanti. L-istituzzjonijiet sistemikament importanti b'mod sistemiku jinħtieġ li jkunu meħtieġa jillimitaw l-ammont ta' marġni inizjali miġbura fi flus kontanti jew jiddiversifikaw l-iskoperturi bl-użu ta' iktar minn kustodju wieħed.

(30)

Il-valur tal-kollateral ma jinħtiġx jeżibixxi korrelazzjoni pożittiva sinifikanti mal-kredibbiltà kreditizja tal-ispeditur ta' kollateral jew mal-valur tal-portafoll sottostanti tad-derivattivi kklirjati mhux ċentralment billi dan jista' jimmina l-effettività tal-protezzjoni offruta mill-kollateral miġbur. Fid-dawl ta' dan, it-titoli maħruġa mill-ispeditur ta' kollateral jew mill-entitajiet relatati tiegħu ma jinħtiġx jiġu aċċettati bħala kollateral. Il-kontropartijiet jinħtieġ li jkunu meħtieġa wkoll jimmonitorjaw li l-kollateral miġbur ma jkunx soġġett għal forom oħrajn ta' riskju ta' korrelazzjoni ħażina.

(31)

Jinħtieġ li jkun possibbli għall-kontroparti mhux kontumaċi li tillikwida l-assi miġbura bħala kollateral bħala marġni inizjali jew ta' varjazzjoni fi żmien qasir biżżejjed sabiex ikun hemm protezzjoni kontra t-telf fuq kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment fl-eventwalità ta' inadempjenza tal-kontroparti. Għaldaqstant dawn l-assi jinħtieġ li jkunu likwidi ħafna u ma jinħtiġx jiġu esposti għal riskju ta' kreditu, tas-suq jew ta' kambju eċċessiv. Sal-punt fejn il-valur tal-kollateral jiġi espost għal dawn ir-riskji, jinħtieġ li jiġu applikati haircuts sensittiv għar-riskji b'mod xieraq.

(32)

Sabiex jiġi żgurat it-trasferiment fil-ħin tal-kollateral, il-kontropartijiet jinħtieġ li jkollhom stabbiliti proċessi operazzjonali effiċjenti. Dan jeħtieġ li l-proċessi għall-iskambju bilaterali ta' kollateral ikunu ddettaljati, trasparenti u robusti biżżejjed. Nuqqas min-naħa tal-kontropartijiet li jaqblu dwar u li jistabbilixxu qafas operazzjonali għal kalkolu, notifika u finalizzazzjoni effiċjenti ta' appelli għall-marġni jista' jwassal għal tilwim u falliment fl-iskambji ta' kollateral li jirriżultaw f'espożizzjonijiet mhux kollateralizzati taħt kuntratti tad-derivattivi OTC. Bħala riżultat ta' dan, huwa essenzjali li l-kontropartijiet jistabbilixxu politiki interni u standards ċari rigward it-trasferimenti ta' kollateral. Kull devjazzjoni minn dawn il-politiki jinħtieġ li tiġi eżaminata b'mod riġoruż mill-partijiet interessati interni kollha li huma meħtieġa jawtorizzaw dawn id-devjazzjonijiet. Barra dan, it-termini applikabbli kollha rigward l-iskambju operazzjonali ta' kollateral jinħtieġ li jiġu rreġistrati b'mod preċiż, dettaljat, robust, fil-pront u sistematiku.

(33)

Jinħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-iskambju ta' kollateral bejn il-kontropartijiet li jidħlu f'kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment sabiex jipprovdi ċertezza tad-dritt. Bħala riżultat ta' dan, ftehim dwar l-iskambju ta' kollateral jinħtieġ li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi materjali kollha tal-kontropartijiet applikabbli għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment.

(34)

Il-kollateral jipproteġi lill-kontroparti kollettriċi fl-eventwalità ta' indempjenza tal-kontroparti li tiddepożita. Madankollu, iż-żewġ kontropartijiet huma responsabbli wkoll biex jiżguraw li l-mod li bih jinżamm il-kollateral miġbur ma jżidx ir-riskju ta' telf ta' kollateral iddepożitat b'eċċess għall-kontroparti li tiddepożita f'każ li l-kontroparti kollettriċi tkun kontumaċi. Għal din ir-raġuni, il-ftehim bilaterali bejn il-kontropartijiet jinħtieġ li jippermetti liż-żewġ kontropartijiet jaċċedu għall-kollateral fil-ħin meta jkollhom id-dritt li jagħmlu dan, u għaldaqstant il-ħtieġa għal regoli dwar is-segregazzjoni u għal regoli li jipprovdu valutazzjoni tal-effettività tal-ftehim f'dan ir-rigward, b'kunsiderazzjoni tar-restrizzjonijiet ġuridiċi u l-prattiki tas-suq ta' kull ġurisdizzjoni.

(35)

Ir-riipotekazzjoni, ir-rahan mill-ġdid jew l-użu mill-ġdid tal-kollateral miġbur bħala marġnijiet inizjali jista' joħloq riskji ġodda għall-kontropartijiet minħabba l-pretensjonijiet tat-terzi persuni fuq l-assi fl-eventwalità ta' inadempjenza. Komplikazzjonijiet legali u operazzjonali jistgħu jdewmu r-ritorn tal-kollateral fl-eventwalità ta' inadempjenza tal-kollettur tal-kollateral inizjali jew tat-terza persuna, jew anki jagħmlu dan ir-ritorn impossibbli. Għaldaqstant, sabiex tiġi ppreservata l-effiċjenza tal-qafas u tiġi żgurata mitigazzjoni tajba tar-riskji ta' kreditu tal-kontroparti, ir-riipotekazzjoni, ir-rahan mill-ġdid jew l-użu mill-ġdid tal-kollateral miġbur bħala marġni inizjali ma jeħtiġx jiġu permessi.

(36)

Minħabba d-diffikultajiet fis-segregazzjoni tal-flus, il-prattiki attwali għall-iskambju ta' kollateral fi flus f'ċerti ġurisdizzjonijiet u l-ħtieġa għal dipendenza fuq il-flus minflok it-titoli f'ċerti ċirkostanzi meta t-trasferiment ta' titoli jista' jiġi impedit minn restrizzjonijiet operazzjonali, il-kollateral miġbur fi flus bħala marġni inizjali dejjem jinħtieġ li jinżamm minn bank ċentrali jew minn istituzzjoni ta' kreditu ta' terza persuna, billi dan jiżgura s-separazzjoni miż-żewġ kontropartijiet fil-kuntratt. Biex tiġi żgurata din is-separazzjoni, l-istituzzjoni ta' kreditu tat-terza persuna ma jinħtiġx tappartjeni għall-istess grupp bħal dak tal-kontropartijiet.

(37)

Meta kontroparti tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar l-intenzjoni tagħha li tavvantaġġja ruħha mill-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet intragrupp, sabiex l-awtorità kompetenti tiddeċiedi jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni jkunux intlaħqu, il-kontroparti jinħtieġ li tipprovdi fajl komplut li jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa sabiex l-awtorità kompetenti tlesti l-valutazzjoni tagħha.

(38)

Sabiex grupp jitqies wieħed bi proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju adegwatament sodi u robusti, iridu jintlaħqu għadd ta' kundizzjonijiet. Jinħtieġ li l-grupp jiżgura monitoraġġ regolari tal-iskoperturi intragrupp, u s-soluzzjoni fil-ħin tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti tad-derivattivi OTC intragrupp għandha tiġi ggarantita abbażi tal-għodod tal-monitoraġġ u l-likwidità fil-livell tal-grupp li jkunu konsistenti mal-kumplessità tat-tranżazzjonijiet intragrupp.

(39)

Sabiex l-eżenzjoni għat-tranżazzjonijiet intragrupp tkun applikabbli, irid ikun ċert li l-ebda dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja, amministrattiva jew dispożizzjoni obbligatorja oħra tad-dritt aplikabbli ma tkun tista' tipprevjeni legalment lill-kontropartijiet intragrupp milli jilħqu l-obbligi tagħhom li jittraferixxu flus jew iħallsu lura titoli skont it-termini tat-tranżazzjonijiet intragrupp. B'mod simili, ma jinħtiġx ikun hemm l-ebda prattika operazzjonali jew ta' negozju tal-kontropartijiet intragrupp jew tal-grupp li tista' tirriżulta fin-nuqqas ta' disponibbiltà ta' fondi għall-ilħuq tal-obbligazzjonijiet ta' ħlas billi jsiru dovuti fuq bażi minn jum għal jum, jew li trasferiment elettroniku fil-pront ta' fondi ma jkunx possibbli.

(40)

Dan ir-Regolament jinkludi numru ta' rekwiżiti dettaljati li għandhom jintlaħqu sabiex grupp ikun jista' jikseb l-eżenzjoni mid-depożitu ta' marġni għat-tranżazzjonijiet intragrupp. Minbarra dawn ir-rekwiżiti, meta waħda miż-żewġ kontropartijiet fil-grupp tkun domiċiljata f'pajjiż terz li għalih determinazzjoni tal-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tkun għadha ma ġietx ipprovduta, il-grupp irid jiskambja marġnijiet ta' varjazzjoni u inizjali ssegregati b'mod xieraq għat-tranżazzjonijiet intragrupp kollha mas-sussidjarji f'dawn il-pajjiżi terzi. Sabiex tiġi evitata applikazzjoni sproporzjonata tar-rekwiżiti tal-marġnijiet u b'kunsiderazzjoni ta' rekwiżiti simili, dan ir-Regolament jinħtieġ li jipprovdi għal implimentazzjoni mdewma ta' dan ir-rekwiżit partikolari. Din għandha tippermetti żmien biżżejjed għat-tlestija tal-proċess biex tiġi prodotta d-determinazzjoni tal-ekwivalenza, waqt li ma tkunx meħtieġa allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi lill-gruppi b'sussidjarji domiċiljati f'pajjiżi terzi.

(41)

Waqt li jiġi kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontropartijiet li għandhom portafolji iżgħar u, għaldaqstant, operazzjonijiet ġeneralment iżgħar jinħtieġ li jingħataw iktar ħin biex jadattaw is-sistemi u l-proċessi interni tagħhom sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Sabiex jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn il-mitigazzjoni tar-riskji li jirriżultaw mid-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment u l-applikazzjoni proporzjonali ta' dan ir-Regolament, kif ukoll biex tintlaħaq il-konsistenza internazzjonali u jiġu minimizzati l-possibiltajiet tal-arbitraġġ regolatorju bil-għan li jiġi evitat it-tħarbit tas-suq, huwa meħtieġ perjodu ta' adozzjoni gradwali tar-rekwiżiti. Il-perjodu ta' adozzjoni gradwali għar-rekwiżiti introdotti f'dan ir-Regolament jikkunsidra l-iskeda miftiehma fil-qafas BCBS-IOSCO, li ġie stabbilit b'referenza għal studju tal-impatt kwantitattiv li jinvolvi l-istituzzjonijiet ta' kreditu tal-Unjoni.

(42)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (*1) jispeċifika d-definizzjoni ta' tranżazzjonijiet forward tal-kambju saldati b'mod fiżiku fl-Unjoni. Madankollu, f'dan l-istadju, din id-definizzjoni mhijiex applikabbli u dawk il-prodotti mhumiex definiti b'mod omoġenu fl-Unjoni. Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat li jinħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fl-Unjoni, huwa meħtieġ li l-applikazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju korrispondenti jiġu allinjati mad-data tal-applikazzjoni tal-Att Delegat rilevanti. Fi kwalunkwe każ, tiġi stabbilita data speċifika li fiha jinħtieġ li japplikaw ir-rekwiżiti relevanti biex jiġi evitat dewmien eċċessiv fl-introduzzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju.

(43)

Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-kontropartijiet tal-Unjoni stabbiliti fl-Unjoni fuq livell globali, u filwaqt li jiġi rikonoxxut li f'xi ġurisdizzjonijiet l-iskambju tal-marġni ta' varjazzjoni u dak inizjali għal għażliet fuq l-ishma singoli u għażliet tal-indiċi tal-ekwità mhuwiex soġġett għal rekwiżiti tal-marġnijiet ekwivalenti, it-trattament ta' dawn il-prodotti jinħtieġ li jiġi inkluż b'mod gradwali. Dan il-perjodu ta' inklużjoni gradwali jipprovdi ħin għall-monitoraġġ tal-iżvilupp regolatorju f'ġurisdizzjonijiet oħrajn u biex jiġi żgurat li jkunu stabbiliti rekwiżiti xierqa fl-Unjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' kreditu tal-kontroparti rigward tali kuntratti waqt li jiġi evitat li jkun hemm lok għal arbitraġġ regolatorju.

(44)

Minħabba raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt u biex jiġu evitati interruzzjonijiet potenzjali fi swieq finanzjarji, huwa xieraq li jiġi ċċarat it-trattament tal-kuntratti eżistenti.

(45)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(46)

L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbu l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(47)

Skont il-proċedura stabilita fil-ħames, fis-sitt u fis-seba' paragrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, fil-ħames, fis-sitt u fis-seba' subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u fil-ħames, fis-sitt u fis-seba' subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, dan ir-Regolament jinkorpora emendi għall-istandards tekniċi regolatorji abbozzati, ippreżentati mill-ġdid fil-forma ta' opinjoni formali lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea, mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, fuq il-bażi tal-emendi proposti tal-Kummissjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IL-PROĊEDURI TAL-ĠESTJONI TAR-RISKJU

TAQSIMA 1

Definizzjonijiet u rekwiżiti ġenerali

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“marġni inizjali” tfisser il-kollateral miġbur minn kontroparti biex tkopri l-iskopertura attwali u futura potenzjali tagħha fl-intervall bejn l-aħħar ġbir ta' marġni u l-likwidazzjoni ta' pożizzjonijiet jew iħħeġġjar tar-riskju tas-suq wara inadempjenza tal-kontroparti l-oħra;

(2)

“marġni ta' varjazzjoni” tfisser il-kollateral miġbur minn kontroparti biex jiġu riflessi r-riżultati ta' valwazzjoni skont is-suq jew valwazzjoni skont mudell ta' kuljum ta' kuntratti pendenti msemmijin fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(3)

“sett tan-nettjar” tfisser sett ta' kuntratti tad-derivattivi barra l-Borża (over-the-counter, “OTC”) ikklirjati mhux ċentralment bejn żewġ kontropartijiet li jkun soġġett għal ftehim ta' netting bilaterali infurzabbli legalment.

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu, japplikaw u jiddokumentaw proċeduri ta' ġestjoni tar-riskju għall-iskambju ta' kollateral għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment.

2.   Il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu proċeduri li jipprovdu għal jew jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konformi mat-Taqsima 2;

(b)

il-kalkolu u l-ġbir tal-marġnijiet għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konformi mat-Taqsima 3;

(c)

il-ġestjoni u s-segregazzjoni tal-kollateral għall-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konformi mat-Taqsima 5;

(d)

il-kalkolu tal-valur aġġustat tal-kollateral konformi mat-Taqsima 6;

(e)

l-iskambju ta' informazzjoni bejn kontropartijiet u l-awtorizzazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' kull eċċezzjoni għall-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1;

(f)

ir-rappurtar tal-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II lill-maniġment superjuri;

(g)

it-termini tal-ftehimiet kollha meħtieġa li l-kontropartijiet ikunu daħlu fihom, l-aktar tard sa meta jiġi konkluż kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment, inklużi t-termini tal-ftehim ta' netting u t-termini tal-iskambju tal-ftehim ta' kollateral skont l-Artikolu 3;

(h)

il- verifika perjodika tal-likwidità tal-kollateral li jiġi skambjat;

(i)

ir-riapproprjazzjoni fil-ħin tal-kollateral, fl-event ta' inadempjenza mill-kontroparti li tiddepożita, min-naħa tal-kontroparti kollettriċi; u

(j)

il-monitoraġġ regolari tal-iskoperturi li jinħolqu minn kuntratti tad-derivattivi OTC li huma tranżazzjonijiet intragrupp u s-saldu fil-ħin tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti.

Għall-finijiet tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, it-termini tal-ftehimiet jinkludu l-aspetti kollha li jikkonċernaw l-obbligi li jirriżultaw minn kull kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment li għandu jiġi konkluż, u mill-inqas dan li ġej:

(a)

kull obbligazzjoni ta' ħlas li tirriżulta bejn kontropartijiet;

(b)

il-kundizzjonijiet għan-nettjar tal-obbligazzjoni ta' ħlas;

(c)

avvenmenti ta' inadempjenza jew avvenimenti oħra ta' terminazzjoni tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment;

(d)

il-metodi ta' kalkolazzjoni kollha użati fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ta' ħlas;

(e)

il-kundizzjonijiet għan-nettjar tal-obbligazzjoni ta' ħlas mat-terminazzjoni,

(f)

it-trasferiment ta' titoli u obbligazzjonijiet mat-terminazzjoni;

(g)

il-liġi li tirregola t-tranżazzjonijiet tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment.

3.   Meta l-kontropartijiet jidħlu f'netting jew fi skambju ta' ftehim kollaterali, dawn iwettqu analiżi legali indipendenti tal-infurzabbiltà ta' dawn il-ftehimiet. Din l-analiżi tista' titwettaq minn unità indipendenti interna jew minn terza persuna indipendenti.

Ir-rekwiżit li titwettaq l-analiżi msemmija fl-ewwel subparagrafu titqies li tkun issodisfata fil-konfront tal-ftehim ta' netting meta dak il-ftehim ikun rikonoxxut skont l-Artikolu 296 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu politiki biex jivvalutaw fuq bażi kontinwa l-infurzabbiltà tan-netting u l-iskambju tal-ftehimiet ta' kollateral li jidħlu fihom.

5.   Il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ttestjati, analizzati u aġġornati skont il-ħtieġa u tal-inqas kull sena.

6.   Jekk mitluba jagħmlu dan, il-kontropartijiet li jużaw mudelli ta' marġni inizjali skont it-Taqsima 4 għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti b'kull dokumentazzjoni relatata mal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2(b) f'kull ħin.

Artikolu 3

Ftehim dwar skambju ta' kollateral

Il-ftehim dwar skambju ta' kollateral imsemmi fil-punt (g) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) għandu jinkludi tal-inqas it-termini li ġejjin:

(a)

il-livelli u t-tip ta' kollateral meħtieġ;

(b)

il-ftehimiet ta' segregazzjoni;

(c)

is-sett tan-nettjar li għalih jirreferi l-iskambju ta' kollateral;

(d)

il-proċeduri għan-notifika, il-konferma u l-aġġustament ta' appelli għall-marġni;

(e)

il-proċeduri għas-saldu ta' appelli għall-marġni għal kull tip ta' kollateral eliġibbli;

(f)

il-proċeduri, il-metodi, il-perjodi ta' żmien u l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-kalkolu tal-marġnijiet u l-valwazzjoni tal-kollateral;

(g)

l-eventi meqjusa bħala l-eventi ta' inadempjenza jew tat-terminazzjoni;

(h)

il-liġi applikabbli għall-kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment;

(i)

il-liġi applikabbli għall-ftehim dwar skambju ta' kollateral.

TAQSIMA 2

Eliġibbiltà

Artikolu 4

Kollateral eliġibbli

1.   Kontroparti għandha tiġbor kollateral mill-klassijiet ta' assi li ġejjin biss:

(a)

flus kontanti fil-forma ta' flus ikkreditati għal kont fi kwalunkwe valuta, jew pretensjonijiet simili għall-ħlas lura ta' flus, bħal depożiti tas-suq tal-flus;

(b)

deheb fil-forma ta' ingotti ta' deheb pur allokat ta' konsenja tajba rikonoxxuta;

(c)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet ċentrali jew il-banek ċentrali ta' Stati Membri;

(d)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet reġjonali jew l-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri li l-iskoperturi tagħhom jiġu ttrattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali ta' dak l-Istat Membru partikolari skont l-Artikolu 115(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

titoli ta' dejn maħruġa mill-entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri li l-iskoperturi tagħhom jiġu ttrattati bħala espożizzjonijiet għall-gvern ċentrali, il-gvern reġjonali jew awtorità lokali ta' dak l-Istat Membru partikolari skont l-Artikolu 116(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet reġjonali jew awtoritajiet lokali tal-Istati Membri għajr dawk imsemmija fil-punt (d);

(g)

titoli ta' dejn maħruġa mill-entitajiet tas-settur pubbliku tal-Istati Membri għajr dawk imsemmija fil-punt (e);

(h)

titoli ta' dejn maħruġa minn banek tal-iżvilupp multilaterali elenkati fl-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(i)

titoli ta' dejn maħruġa mill-organizzazzjonijiet internazzjonali elenkati fl-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(j)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet jew il-banek ċentrali ta' pajjiżi terzi;

(k)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet reġjonali jew l-awtoritajiet lokali ta' pajjiżi terzi li jilħqu r-rekwiżiti tal-punti (d) u (e);

(l)

titoli ta' dejn maħruġa mill-gvernijiet reġjonali jew awtoritajiet lokali ta' pajjiżi terzi għajr dawk imsemmija fil-punti (d) u (e);

(m)

titoli ta' dejn maħruġa minn istituzzjonijiet ta' kreditu jew ditti ta' investiment inklużi l-bonds imsemmija fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(n)

bonds korporattivi;

(o)

is-segment ta' titolizzazzjoni l-iktar superjuri, kif definit fl-Artikolu 4(61) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li mhuwiex rititolizzazzjoni kif definit fl-Artikolu 4(63) ta' dan ir-Regolament;

(p)

bonds konvertibbli bil-kundizzjoni li jistgħu jiġu kkonvertiti biss f'ekwitajiet li huma inklużi f'indiċi speċifikat skont il-punt (a) tal-Artikolu 197(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(q)

ekwitajiet inklużi f'indiċi speċifikat skont il-punt (a) tal-Artikolu 197(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(r)

ishma jew unitajiet f'impriżi ta' investimenti kollettivi f'titoli trasferibbli (UCITS), bil-kundizzjoni li jintlaħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5.

2.   Kontroparti għandha tiġbor biss kollateral mill-klassijiet ta' assi msemmija fil-punti (f), (g) u minn (k) sa (r) tal-paragrafu 1 meta japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-assi mhumiex maħruġa mill-kontroparti li tiddepożita;

(b)

l-assi mhumiex maħruġa minn entitajiet li huma parti minn grupp li għalih tappartjeni l-kontroparti li tiddepożita;

(c)

l-assi mhumiex soġġetti mod ieħor għal xi riskju sinifikanti ta' korrelazzjoni ħażina kif definit fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 291 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 5

Kriterji ta' eliġibbiltà għal unitajiet jew ishma f'UCITS

1.   Għall-finijiet tal-punt (r) tal-Artikolu 4(1), kontroparti tista' tuża biss unitajiet jew ishma f'UCITS bħala kollateral eliġibbli meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-unitajiet jew l-ishma jkollhom kwotazzjoni pubblika ta' kuljum tal-prezz;

(b)

l-UCITS ikunu limitati għal investiment f'assi eliġibbli skont l-Artikolu 4(1);

(c)

l-UCITS jilħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 132(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-UCITS jistgħu jużaw strumenti derivattivi biex jiħħeġġjaw ir-riskji li jinħolqu mill-assi li fihom jinvestu.

Meta UCITS tinvesti f'ishma jew unitajiet ta' UCITS oħra, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għal dawk l-UCITS.

2.   Permezz ta' deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1, meta UCITS jew kwalunkwe waħda mill-UCITS sottostanti tagħha ma jinvestux biss f'assi li jkunu eliġibbli skont l-Artikolu 4(1), huwa biss il-valur tal-unità jew tal-azzjoni tal-UCITS li jirrappreżenta investiment f'assi eliġibbli li jista' jintuża bħala kollateral eliġibbli skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kwalunkwe UCITS ta' UCITS li għandha UCITS sottostanti tagħha stess.

3.   Meta assi mhux eliġibbli ta' UCITS jista' jkollhom valur negattiv, il-valur tal-unità jew tal-azzjoni tal-UCITS li jista' jintuża bħala kollateral eliġibbli skont il-paragrafu 1 għandu jiġi ddeterminat bit-tnaqqis tal-valur negattiv massimu tal-assi mhux eliġibbli mill-valur ta' assi eliġibbli.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-kwalità kreditizja

1.   Il-kontraparti kollettriċi għandha tivvaluta l-kwalità tal-kreditu tal-assi li jappartjenu għall-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 4(1) li mhumiex denominati jew mhumiex iffinanzjati fil-valuta domestika tal-emittent u fil-punti (f), (g), minn (j) sa (n) u (p) tal-Artikolu 4(1) bl-użu ta' waħda mill-metodoloġiji li ġejjin:

(a)

il-klassifikazzjonijiet interni msemmija fil-paragrafu 3 tal-kontroparti kollettriċi;

(b)

il-klassifikar intern imsemmi fil-paragrafu 3 tal-kontroparti li tissepożita, meta dik il-kontroparti tkun stabbilita fl-Unjoni jew f'pajjiż terz fejn il-kontroparti li tissepożita tkun soġġetta għal superviżjoni konsolidata vvalutata ekwivalenti għal dik irregolata bid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 127 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

valutazzjoni tal-kwalità kreditizja maħruġa minn Istituzzjoni Esterna tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (ECAI) rikonoxxuta kif definit fl-Artikolu 4(98) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew valutazzjoni tal-kwalità kreditizja ta' aġenzija ta' kreditu għall-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 137 ta' dak ir-Regolament.

2.   Il-kontroparti kollettriċi għandha tivvaluta l-kwalità kreditizja tal-assi li jappartjenu għall-klassi tal-assi msemmija fil-punt (o) tal-Artikolu 4(1) bl-użu tal-metodoloġija msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Kontroparti li titħalla tuża l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (IRB) skont l-Artikolu 143 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tista' tuża l-klassifikazzjonijiet interni tagħha sabiex tivvaluta l-kwalità kreditizja tal-kollateral miġbur għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   Kontroparti li tuża l-approċċ IRB skont il-paragrafu 3 għandha tiddetermina l-iskala tal-kwalità kreditizja tal-kollateral konformi mal-Anness I.

5.   Kontroparti li tuża l-approċċ IRB skont il-paragrafu 3 għandha tikkomunika lill-kontroparti l-oħra l-iskala tal-kwalità kreditizja msemmija fil-paragrafu 4 assoċjata mal-assi li jkollhom jiġu skambjati bħala kollateral.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(c), il-valutazzjoni tal-kwalità kreditizja għandha tiġi mmappjata għall-iskali tal-kwalità kreditizja speċifikati skont l-Artikoli 136 jew 270 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 7

Rekwiżiti speċifiċi għall-assi eliġibbli

1.   Il-kontropartijiet għandhom jużaw biss l-assi msemmijin fil-punti (f), (g) u minn (j) sa (p) tal-Artikolu 4(1) bħala kollateral meta l-kwalità kreditizja tagħhom tkun ġiet ivvalutata bħala l-iskali tal-kwalità kreditizja 1, 2 jew 3 skont l-Artikolu 6.

2.   Il-kontropartijiet għandhom jużaw biss l-assi msemmijin fil-punti (c), (d), u (e) tal-Artikolu 4(1) li mhumiex denominati jew iffinanzjati fil-valuta domestika tal-emittent bħala kollateral meta l-kwalità kreditizja tagħhom tkun ġiet ivvalutata bħala l-passi tal-kwalità kreditizja 1, 2, 3 jew 4 skont l-Artikolu 6.

3.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri għat-trattament tal-assi skambjati bħala kollateral konformi mal-paragrafi 1 u 2 li l-kwalità kreditizja tagħhom tiġi vvalutata sussegwentement bħala:

(a)

l-iskala 4 jew lil hinn minnha għall-assi msemmijin fil-paragrafu 1;

(b)

lil hinn mill-iskala 4 għall-assi msemmijin fil-paragrafu 2.

4.   Il-proċeduri msemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jilħqu r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

għandhom jipprojbixxu lill-kontropartijiet milli jiskambjaw assi addizzjonali vvalutati bħala tal-kwalità kreditizja msemmija fil-paragrafu 3;

(b)

għandhom jistabbilixxu skeda li biha l-assi vvalutati bħala tal-kwalità kreditizja msemmija fil-paragrafu 3 u diġà skambjati bħala kollateral jiġu sostitwiti tul perjodu ta' żmien li ma jaqbiżx ix-xahrejn;

(c)

għandhom jistabbilixxu skala tal-kwalità kreditizja li teħtieġ is-sostituzzjoni immedjata tal-assi msemmija fil-paragrafu 3;

(d)

għandhom jippermettu li l-kontropartijiet iżidu l-haircuts fuq il-kollateral rilevanti dment li l-kollateral ma jkunx ġie sostitwit skont l-iskeda msemmija fil-punt (b).

5.   Il-kontropartijiet ma għandhomx jużaw il-klassijiet tal-assi msemmija fl-Artikolu 4(1) bħala kollateral meta ma jkollhom l-ebda aċċess għas-suq għal dawn l-assi jew meta ma jkunux jistgħu jillikwidaw dawn l-assi fil-ħin f'każ ta' inadempjenza tal-kontroparti li tiddepożita.

Artikolu 8

Limiti ta' konċentrazzjoni għall-marġni inizjali

1.   Meta l-kollateral jinġabar bħala marġni inizjali konformi mal-Artikolu 13, għandhom japplikaw il-limiti li ġejjin għal kull kontroparti kollettriċi:

(a)

is-somma tal-valuri tal-marġni inizjali miġbura mill-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti (b), (f), (g), u minn (l) sa (r) tal-Artikolu 4(1) maħruġa minn emittent singolu jew minn entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp ma taqbiżx l-ikbar wieħed mill-valuri li ġejjin:

(i)

15 % tal-kollateral miġbur mill-kontroparti li tiddepożita;

(ii)

EUR 10 miljun jew l-ekwivalenti f'valuta oħra;

(b)

is-somma tal-valuri tal-marġġni inizjali miġbura mill-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti (o), (p) u (q) tal-Artikolu 4(1), meta l-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti (p) u (q) ta' dan l-Artikolu jinħarġu minn istituzzjonijiet kif definit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, ma taqbiżx l-ikbar wieħed mill-valuri li ġejjin:

(i)

40 % tal-kollateral miġbur mill-kontroparti li tiddepożita;

(ii)

EUR 10 miljun jew l-ekwivalenti f'valuta oħra.

Il-limiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw ukoll għall-ishma jew l-unitajiet fl-UCITS meta l-UCITS tinvesti primarjament fil-klassijiet tal-assi msemmija f'dan is-subparagrafu.

2.   Meta l-kollateral jinġabar bħala marġni inizjali skont l-Artikolu 13 f'eċċess ta' EUR 1 biljun u kull kontroparti tappartjeni għal waħda mill-kategoriji elenkati fil-paragrafu 3, japplikaw il-limiti li ġejjin għall-ammont tal-marġni inizjali f'eċċess ta' EUR 1 biljun miġbura minn kontroparti:

(a)

is-somma tal-valuri tal-marġni inizjali miġbura mill-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti minn (c) sa (l) tal-Artikolu 4(1) maħruġa minn emittent singolu jew minn emittenti domiċiljati fl-istess pajjiż ma għandhiex taqbeż il-50 % tal-marġni inizjali miġbura minn din il-kontroparti.

(b)

Meta l-marġni inizjali tinġabar fi flus kontanti, il-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 50 % imsemmija fil-punt (a) iqis ukoll l-iskoperturi għar-riskju mid-detentur tat-terza persuna jew il-kustodju li jkollu l-flus.

3.   Il-kontropartijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 għandhom ikunu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

istituzzjonijiet identifikati bħala G-SIIs konformi mal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

istituzzjonijiet identifikati bħala O-SIIs konformi mal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

kontropartijiet li ma jkunux arranġamenti ta' skema tal-pensjoni u li għalihom is-somma tal-valuri tal-kollateral li għandu jinġabar taqbeż il-EUR 1 biljun.

4.   Meta l-kollateral jinġabar bħala marġni inizjali skont l-Artikolu 13 b'eċċess minn EUR 1 biljun minn arranġament ta' skema tal-pensjoni, il-kontroparti kollettriċi għandha tistabbilixxi proċeduri biex timmaniġġja r-riskju ta' konċentrazzjoni rigward il-kollateral miġbur mill-klassijiet tal-assi msemmija fil-punti minn (c) sa (l) tal-Artikolu 4(1), inkluża diversifikazzjoni adegwata ta' dan il-kollateral.

5.   Meta l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 jiġbru marġni inizjali fi flus minn kontroparti singola li hija wkoll istituzzjoni msemmija f'dawn il-punti, il-kontroparti kollettriċi għandha tiżgura li mhux iktar minn 20 % tal-marġni inizjali jinżamm minn kustodju ta' terza persuna singola.

6.   Il-paragrafi minn 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw għall-kollateral miġbur fil-forma ta' strumenti finanzjarji li jkunu l-istess bħall-istrument finanzjarju sottostanti tal-kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment.

7.   Il-kontroparti kollettriċi tivvaluta l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu mill-inqas kull darba li l-marġni inizjali tiġi kkalkulata skont l-Artikolu 9(2).

8.   Permezz tad-deroga mill-paragrafu 7, kontroparti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tista' tivvaluta konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 kull trimestru, diment li l-ammont tal-marġni inizjali miġbur minn kull kontroparti individwali ikun dejjem inqas minn EUR 800 miljun matul it-trimestru li jippreċedi il-valutazzjoni.

TAQSIMA 3

Kalkolu u ġbir tal-marġnijiet

Artikolu 9

Frekwenza tal-kalkolu u d-determinazzjoni tad-data tal-kalkolu

1.   Il-kontropartijiet għandhom jikkalkulaw marġni ta' varjazzjoni skont l-Artikolu 10 tal-inqas kuljum.

2.   Il-kontropartijiet għandhom jikkalkulaw il-marġni inizjali skont l-Artikolu 11 mhux iktar tard mill-jum ta' negozju wara wieħed minn dawn l-eventi:

(a)

meta kuntratt ġdid tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jiġi eżegwit jew jiżdied mas-sett tan-nettjar;

(b)

meta kuntratt eżistenti tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jiskadi jew jitneħħa mis-sett tan-nettjar;

(c)

meta kuntratt eżistenti tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jikkawża pagament jew konsenja għajr id-depożitu u l-ġbir ta' marġnijiet;

(d)

meta l-marġni inizjali jiġi kkalkulat skont l-approċċ standardizzat imsemmi fil-Artikolu 11(1) u kuntratt eżistenti jiġi riklassifikat f'termini tal-kategorija tal-assi msemmija fil-paragrafu 1 tal-Anness IV bħala riżultat ta' ħin imnaqqas sal-maturità;

(e)

meta ma jkun twettaq l-ebda kalkolu fl-għaxart ijiem tan-negozju preċedenti.

3.   Għall-fini tad-determinazzjoni tad-data tal-kalkolu għall-marġni inizjali u ta' varjazzjoni, għandu japplika dan li ġej:

(a)

meta żewġ kontropartijiet jinsabu fl-itess żona tal-ħin, il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq is-sett tan-nettjar tal-jum tan-negozju preċedenti;

(b)

meta żewġ kontropartijiet ma jkunux jinsabu fl-istess żona tal-ħin, il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq it-tranżazzjonijiet fis-sett tan-nettjar li jiġu ffirmati qabel 16:00 tal-jum tan-negozju ta' qabel taż-żona tal-ħin li fiha s-siegħa 16:00 tiġi l-ewwel.

Artikolu 10

Kalkolu tal-marġni ta' varjazzjoni

L-ammont tal-marġni ta' varjazzjoni li għandu jinġabar minn kontroparti għandu jkun l-aggregazzjoni tal-valuri kkalkulati skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-kuntratti kollha fis-sett tan-nettjar, nieqes il-valur tal-marġni ta' varjazzjoni kollu li jkun inġabar qabel, nieqes il-valur nett ta' kull kuntratt fis-sett tan-nettjar stabbilit fil-punt tal-iffirmar tal-kuntratt, u biż-żieda tal-valur tal-marġni ta' varjazzjoni kollu li jkun ġie ddepożitat qabel.

Artikolu 11

Kalkolu tal-marġni inizjali

1.   Il-kontropartijiet għandhom jikkalkulaw l-ammont tal-marġni inizjali li jkollu jinġabar jew bl-użu tal-approċċ standardizzat stabbilit fl-Anness IV inkella permezz tal-mudelli tal-marġnijiet inizjali msemmija fit-Taqsima 4 jew it-tnejn li huma.

2.   Il-ġbir tal-marġni inizjali titwettaq mingħajr it-tpaċija tal-ammonti tal-marġni inizjali bejn iż-żewġ kontropartijiet.

3.   Meta l-kontropartijiet jużaw kemm l-approċċ standardizzat stabbilit fl-Anness IV kif ukoll il-mudelli ta' marġni inizjali msemmija fit-Taqsima 4 fir-rigward tal-istess sett tan-nettjar, dawn jużawhom b'mod konsistenti għal kull kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment.

4.   Il-kontropartijiet li jikkalkulaw il-marġni inizjali skont it-Taqsima 4 ma għandhom jikkunsidraw l-ebda korrelazzjoni bejn il-valur tal-iskoperatura mhux garantita u l-kollateral f'dan il-kalkolu.

5.   Il-kontropartijiet għandhom jifthiemu dwar il-metodu li kull kontroparti tuża biex tiddetermina l-marġni inizjali li jkollha tiġbor iżda mhumiex meħtieġa jużaw metodoloġija komuni.

6.   Meta kontroparti waħda jew it-tnejn li huma jiddependu fuq mudell ta' marġni inizjali, għandhom jifthiemu dwar il-mudell żviluppat skont it-Taqsima 4.

Artikolu 12

Dispożizzjoni tal-marġni ta' varjazzjoni

1.   Il-kontroparti li tiddepożita għandha tipprovdi l-marġni ta' varjazzjoni kif ġej:

(a)

fl-istess jum tan-negozju tad-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3);

(b)

jew, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2, fi żmien jumejn tan-negozju mid-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3).

2.   Id-dispożizzjoni tal-marġni ta' varjazzjoni skont il-paragrafu 1(b) jista' jiġi applikat għal dan li ġej:

(a)

is-settijiet tan-netting li jinkludu kuntratti tad-derivattivi li ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta' marġni inizjali skont dan ir-Regolament, meta l-kontroparti li tiddepożita tkun ipprovdiet, fid-data tal-ikkalkular tal-marġni ta' varjazzjoni jew qabel, ammont minn qabel ta' kollateral eliġibbli ikkalkulat bl-istess mod bħal dak applikabbli għal marġnijiet inizjali skont l-Artikolu 15, li għalih il-kontroparti kolletriċi tkun użat perjodu ta' riskju b'marġni (margin period of risk, “MPOR”) li jkun mill-inqas ugwali għall-għadd ta' jiem ta' bejniethom u li jkun jinkludi d-data tal-ikkalkular u d-data tal-ġbir;

(b)

is-settijiet tan-nettjar li jinkludu kuntratti soġġetti għal rekwiżiti tal-marġnijiet inizjali skont dan ir-Regolament, meta l-marġni inizjali jiġi aġġustat b'wieħed mill-modi li ġejjin:

(i)

biż-żieda tal-MPOR imsemmi fl-Artikolu 15(2) bin-numru ta' jiem bejn, u li jinkludu, id-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3) u d-data tal-ġbir iddeterminata skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu;

(ii)

biż-żieda tal-marġni inizjali kkalkulat skont l-approċċ standardizzat imsemmi fl-Artikolu 11 bl-użu ta' metodoloġija xierqa waqt li jiġi kkunsidrat l-MPOR li jiżdied bin-numru ta' jiem bejn data u oħra, u bl-inklużjoni tad-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3) u d-data tal-ġbir iddeterminata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Għall-finijiet tal-punt (a), f'każ li ma jkun hemm l-ebda mekkaniżmu għal segregazzjoni fis-seħħ bejn iż-żewġ kontropartijiet, dawk il-kontropartijiet jistgħu jpaċu l-ammonti li għandhom jiġu pprovduti.

3.   Fl-eventwalità ta' tilwima dwar l-ammont ta' marġni ta' varjazzjoni li huwa mistenni, il-kontropartijiet għandhom jipprovdu, fl-istess perjodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, tal-inqas il-parti mill-ammont ta' marġni ta' varjazzjoni li ma tkunx ikkontestata.

Artikolu 13

Dispożizzjoni tal-marġni inizjali

1.   Il-kontroparti li tiddepożita għandha tipprovdi l-marġni inizjali skont it-Taqsima 5.

2.   Il-kontroparti li tiddepożita għandha tipprovdi marġni inizjali fl-istess jum tan-negozju tad-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3).

3.   Fl-eventwalità ta' tilwima dwar l-ammont ta' marġni inizjali li huwa mistenni, il-kontropartijiet għandhom jipprovdu tal-inqas il-parti tal-ammont tal-marġni inizjali li dwarha ma jkunx hemm tilwim fl-istess jum tan-negozju tad-data tal-kalkolu ddeterminata skont l-Artikolu 9(3).

TAQSIMA 4

Mudelli ta' marġnijiet inizjali

Artikolu 14

Rekwiżiti ġenerali

1.   Meta kontroparti tuża mudell ta' marġni inizjali, dan il-mudell jista' jiġi żviluppat minn kwalunkwe waħda mill-kontropartijiet jew it-tnejn li huma, jew minn aġent estern.

Meta kontroparti tuża mudell ta' marġni inizjali żviluppat minn aġent estern, il-kontroparti għandha tibqa' responsabbli biex tiżgura li dan il-mudell jikkonforma mar-rekwiżiti msemmija f'din it-Taqsima.

2.   Il-mudelli tal-marġnijiet inizjali għandhom jiġu żviluppati b'mod li jaqbad ir-riskji sinifikanti kollha li jinħolqu mill-iffirmar ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment inklużi fis-sett tan-nettjar, inkluż in-natura, l-iskala u l-kumplessità ta' dawn ir-riskji u għandhom jilħqu r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-mudell jinkorpora fatturi ta' riskju korrispondenti għall-valuti individwali li fihom dawk il-kuntratti fis-sett tan-nettjar huma denominati;

(b)

il-mudell jinkorpora fatturi ta' riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax korrispondenti għall-valuti individwali li fihom dawk il-kuntratti jiġu denominati;

(c)

il-kurva tar-rendiment tiġi diviża f'minimu ta' sitt meded ta' maturità għal skoperturi għar-riskju ta' ċaqliq fir-rata tal-imgħax fil-valuti u s-swieq ewlenin;

(d)

il-mudell jaqbad ir-riskju ta' movimenti bejn kurvi ta' rendiment differenti u bejn meded ta' maturità differenti;

(e)

il-mudell jinkorpora fatturi ta' riskju separati tal-inqas għal kull ekwità, indiċi tal-ekwità, komodità jew indiċi tal-komoditajiet sinifikanti għal dawk il-kuntratti;

(f)

il-mudell jaqbad ir-riskju li jinħoloq minn pożizzjonijiet inqas likwidi u pożizzjonijiet bi trasparenza limitata tal-prezzijiet f'xenarji realistiċi tas-suq;

(g)

il-mudell jaqbad ir-riskju, li mod ieħor ma jinqabadx minn karatteristiċi oħrajn tal-mudell, li jinħoloq minn kuntratti tad-derivattivi fejn il-klassi tal-assi sottostanti hija l-kreditu;

(h)

il-mudell jaqbad ir-riskju ta' movimenti bejn fatturi ta' riskju sottostanti simili iżda mhux identiċi, u l-iskopertura għal tibdil fil-valuri li jinħolqu minn diskrepanzi fil-maturità;

(i)

il-mudell jaqbad dipendenzi mhux lineari ewlenin;

(j)

il-mudell jinkorpora metodoloġiji għal ittestjar retrospettiv li jinkludu testijiet statistiċi tar-rendiment tal-mudell;

(k)

il-mudell jiddetermina liema eventi joħolqu tibdil fil-mudell, kalibrazzjoni jew azzjoni oħra ta' rimedju.

3.   Il-proċeduri tal-immaniġġar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li kun sar monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-mudell fuq bażi kontinwa inkluż l-ittestjar retrospettiv tal-mudell tal-inqas kull tliet xhur.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-ittestjar retrospettiv jinkludi tqabbil bejn il-valuri prodotti mill-mudell u l-valuri tas-suq milħuqa tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment fis-sett tan-nettjar.

4.   Il-proċeduri tal-immaniġġar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jenfasizzaw il-metodoloġiji użati biex jitwettaq ittestjar retrospettiv, inklużi testijiet statistiċi tal-prestazzjoni.

5.   Il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jiddeskrivu liema riżultati tal-ittestjar retrospettiv iwasslu għal bidla fil-mudell, rikalibrazzjoni jew azzjonijiet oħra ta' rimedju.

6.   Il-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskju msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jiżguraw li l-kontropartijiet iżommu rekords tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

7.   Il-kontropartijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi spjegat il-kalkolu ta' valur partikolari u tal-mudell tal-marġni inizjali lill-kontroparti l-oħra b'mod li terza persuna esperta tkun tista' tivverifika dan il-kalkolu.

8.   Il-mudell tal-marġni inizjali għandu jirrifletti l-inċertezza tal-parametri, il-korrelazzjoni, ir-riskju ta' bażi u l-kwalità tad-data b'mod prudenti.

Artikolu 15

Intervall ta' kunfidenza u MPOR

1.   Il-varjazzjonijiet preżunti fil-valur tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment fis-sett tan-nettjar għall-kalkolu tal-marġnijiet inizjali bl-użu ta' mudell ta' marġni inizjali għandhom jiġu bbażati fuq intervall ta' fiduċja fuq naħa waħda ta' 99 fil-mija tul MPOR ta' mill-inqas għaxart (10) ijiem.

2.   L-MPOR għall-kalkolu tal-marġnijiet inizjali bl-użu ta' mudell ta' marġni inizjali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

il-perjodu li jista' jgħaddi mill-aħħar skambju ta' marġni ta' marġni ta' varjazzjoni sal-inadempjenza tal-kontroparti;

(b)

il-perjodu meħtieġ stmat għas-sostituzzjoni ta' kull kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment fis-sett tan-nettjar jew l-iħħeġġjar tar-riskji li jinħolqu minnhom, b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' likwidità tas-suq meta dawn it-tipi ta' kuntratti jiġu nnegozjati, il-volum totali tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment f'dan is-suq u n-numru ta' parteċipanti fis-suq.

Artikolu 16

Kalibrazzjoni tal-parametri tal-mudell

1.   Il-parametri użati fil-mudelli tal-marġnijiet inizjali għandhom jiġu kkalibrati, mill-inqas kull sena, abbażi ta' data storika minn perjodu ta' żmien b'durata minima ta' tliet snin u durata massima ta' ħames snin.

2.   Id-data użata għall-kalibrazzjoni tal-parametri tal-mudelli tal-marġnijiet inizjali għandha tinkludi l-perjodu kontinwu l-iktar reċenti mid-data li fiha titwettaq il-kalibrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tal-inqas 25 % ta' din id-data għandha tkun rappreżentattiva tal-perjodu ta' stress finanzjarju sinifikanti (“data stressjata”).

3.   Meta d-data stressjata msemmija fil-paragrafu 2 ma tikkostitwixxi tal-inqas 25 % tad-data użata fil-mudell tal-marġni inizjali, id-data l-inqas reċenti tad-data storika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinbidel b'data minn perjodu ta' strress finanzjarju sinifikanti, sa ma l-proporzjon ġenerali tad-data stressjata jkun tal-inqas 25 % tad-data ġenerali użata fil-mudell tal-marġni inizjali.

4.   Il-perjodu ta' stress finanzjarju sinifikanti użat għall-kalibrazzjoni tal-parametri għandu jiġi identifikat u applikat b'mod separat tal-inqas għal kull waħda mill-klassijiet tal-assi msemmijin fl-Artikolu 17(2).

5.   Il-parametri għandhom jiġu kkalibrati bl-użu ta' data ponderata b'mod ugwali.

6.   Il-parametri jistgħu jiġu kkalibrati għal perjodi iqsar mill-MPOR determinat skont l-Artikolu 15. Meta jintużaw perjodi iqsar, il-parametri għandhom jiġu aġġustati għal dan l-MPOR minn metodoloġija xierqa.

7.   Il-kontropartijiet għandu jkollhom politiki miktubin li jindikaw iċ-ċirkostanzi li jikkawżaw kalibrazzjoni iktar frekwenti.

8.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri għall-aġġustament tal-valur tal-marġnijiet li jkollhom jiġu skambjati bħala reazzjoni għal bidla fil-parametri minħabba bidla fil-kundizzjonijiet tas-suq. Dawn il-proċeduri għandhom jipprevedu li l-kontropartijiet ikunu jistgħu jiskambjaw il-marġni inizjali addizzjonali li jirriżulta minn din il-bidla tal-parametri tul perjodu li jvarja bejn jum tan-negozju u tletin jum tan-negozju.

9.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu proċeduri li jirrigwardaw il-kwalità tad-data użata fil-mudell konformi mal-paragrafu 1, inkluża l-għażla ta' fornituri ta' data xierqa u t-tindif u l-interpolazzjoni ta' din id-data.

10.   Indikaturi għad-data użata fil-mudelli tal-marġnijiet inizjali għandhom jintużaw biss meta jintlaħqu ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-data disponibbli ma tkunx suffiċjenti jew ma tirriflettix il-volatilità vera ta' kuntratt tad-derivattivi OTC jew portafoll ta' kuntratti tad-derivattivi OTC fis-sett tan-nettjar;

(b)

l-indikaturi wasslu għal livell konservattiv ta' marġnijiet.

Artikolu 17

Diversifikazzjoni, iħħeġġjar u tpaċija għar-riskji fil-klassijiet sottostanti

1.   Il-mudelli tal-marġni inizjali għandhom jinkludu biss il-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment fl-istess sett tan-nettjar. Il-mudelli tal-marġni inizjali jistgħu jipprevedu diversifikazzjoni, iħħeġġjar u tapaċija tar-riskji li jirrizultaw mir-riskji tal-kuntratti fl-istess sett tan-nettjar, diment li d-diversifikazzjoni, l-iħħeġġjar u t-tpaċija tar-riskji jitwettqu biss fl-istess klassi tal-assi sottostanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, id-diversifikazzjoni, l-iħħeġġjar u t-tpaċija tar-riskji jistgħu jitwettqu biss fil-klassijiet tal-assi sottostanti li ġejjin:

(a)

rati tal-imgħax, valuta u inflazzjoni;

(b)

ekwità;

(c)

kreditu;

(d)

komoditajiet u deheb;

(e)

oħrajn.

Artikolu 18

Rekwiżiti kwalitattivi

1.   Il-kontropartijiet għandhom jistabbilixxu proċess intern ta' governanza biex jivvalutaw l-adattezza tal-mudell ta' marġnijiet inizjali fuq bażi kontinwa, inkluż dan li ġej kollu:

(a)

validazzjoni inizjali tal-mudell minn persuni kkwalifikati kif xieraq li jkunu indipendenti mill-persuni li jiżviluppaw il-mudell;

(b)

validazzjoni ta' segwitu kull darba li ssir bidla sinifikanti fil-mudell tal-marġnijiet inizjali u tal-inqas darba fis-sena;

(c)

proċess ta' awditu regolari biex jiġi vvalutat dan li ġej:

(i)

l-integrità u l-kredibbiltà tas-sorsi tad-data;

(ii)

is-sistema ta' informazzjoni maniġerjali użata għall-applikazzjoni tal-mudell;

(iii)

l-akkuratezza u l-kompletezza tad-data użata;

(iv)

il-preċiżjoni u l-adegwatezza tas-suppożizzjonijiet ta' volatilità u ta' korrelazzjoni.

2.   Id-dokumentazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2) dwar il-mudell tal-marġnijiet inizjali għandha tilħaq il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

għandha tippermetti li terza persuna mgħarrfa tifhem it-tifsila u d-dettall operazzjonali tal-mudell tal-marġnijiet inizjali;

(b)

għandha tinkludi s-suppożizzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġnijiet inizjali;

(c)

għandha tiddefinixxi ċ-ċirkostanzi li taħthom is-suppożizzjonijiet tal-mudell tal-marġnijiet inizjali ma jibqgħux iżjed validi.

3.   Il-kontropartijiet għandhom jiddokumentaw it-tibdil kollu fil-mudell tal-marġnijiet inizjali. Din id-dokumentazzjoni għandha tniżżel ukoll fid-dettall ir-riżultati tal-validazzjonijiet, imsemmija fil-paragrafu 1, imwettqa wara dan it-tibdil.

TAQSIMA 5

Immaniġġar u segregazzjoni tal-kollateral

Artikolu 19

Immaniġġar u segregazzjoni tal-kollateral

1.   Il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 2(2)(c) għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

valutazzjoni ta' kuljum tal-kollateral miżmum skont it-Taqsima 6;

(b)

l-arranġamenti ġuridiċi u struttura ta' żamma tal-kollateral li jippermettu l-aċċess għall-kollateral riċevut meta jkun qed jinżamm minn terza persuna;

(c)

meta l-marġni inizjali tinżamm mill-fornitur tal-kollateral, dak il-kollateral jinżamm f'kontijiet ta' kustodja 'l bogħod mill-insolvenza;

(d)

il-marġni inizjali mhux fi flus jinżamm konformi mal-paragrafi 3 u 4;

(e)

il-flus miġbura bħala marġni inizjali jinżammu f'kontijiet tal-flus f'banek ċentrali jew istituzzjonijiet ta' kreditu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i)

ikunu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE jew ikunu awtorizzati f'pajjiż terz fejn ikun instab li l-arranġamenti superviżorji u regolatorji tiegħu huma ekwivalenti skont l-Artikolu 142(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(ii)

la jkunu l-kontropartijiet li jiddepożitaw u lanqas dawk kollettriċi, u lanqas parti mill-istess grupp bħala waħda mill-kontropartijiet;

(f)

id-disponibbiltà tal-kollateral mhux użat għal-likwidatur jew uffiċjal ieħor tal-insolvenza tal-kontroparti f'kontumaċja;

(g)

il-marġni inizjali huwa liberament trasferibbli fil-ħin lill-kontroparti li tiddepożita f'każ ta' inadempjenza tal-kontroparti kollettriċi;

(h)

li l-kollateral mhux fi flus huwa trasferibbli mingħajr l-ebda restrizzjoni regolatorja jew legali jew pretensjoni minn terza persuna, inklużi dawk tal-likwidatur tal-kontroparti kollettriċi jew kustodju estern, għajr l-irhna għal tariffi u l-ispejjeż imġarrba meta jiġu pprovduti l-kontijiet kustodjali u oħrajn għajr irhna li s-soltu jiġu imposti fuq it-titoli kollha f'sistema ta' kklirjar li fiha jkun jista' jinżamm dan il-kollateral;

(i)

li kull kollateral mhux użat jingħata lura bis-sħiħ lill-kontroparti li tiddepożita, bl-esklużjoni tal-kostijiet u l-ispejjeż imġarrba għall-proċess tal-ġbir u ż-żamma tal-kollateral.

2.   Kull kollateral iddepożitat bħala marġni inizjali jew ta' varjazzjoni jista' jiġi sostitwit b'kollateral alternattiv meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sostituzzjoni ssir skont it-termini tal-ftehim bejn il-kontropartijiet imsemmi fl-Artikolu 3;

(b)

il-kollateral alternattiv huwa eliġibbli konformi mat-Taqsima 2;

(c)

il-valur tal-kollateral alternattiv huwa biżżejjed biex jintlaħqu r-rekwiżiti kollha tal-marġnijiet wara l-applikazzjoni ta' kwalunkwe haircut relevanti.

3.   Il-marġni inizjali għandu jkun protett mill-inadempjenza jew mill-insolvenza tal-kontroparti kollettriċi billi tiġi segregata b'wieħed minn dawn il-modi, jew it-tnejn li huma:

(a)

fil-kotba jew fir-rekords ta' detentur jew kustodju ta' terza persuna;

(b)

permezz ta' arranġamenti vinkolanti oħrajn;

4.   Il-kontropartijiet għandhom jiżguraw li l-kollateral mhux fi flus li jiġi skambjat bħala marġni inizjali jiġi ssegregat kif ġej:

(a)

meta l-kollateral jinżamm mill-kontroparti kollettriċi fuq bażi proprjetarja, għandu jiġi ssegregat mill-bqija tal-assi proprjetarji tal-kontroparti kollettriċi;

(b)

meta l-kollateral jinżamm mill-kontroparti li tiddepożita fuq bażi nonproprjetarja, għandu jiġi ssegregat mill-bqija tal-assi proprjetarji tal-kontroparti li tiddepożita;

(c)

meta l-kollateral jinżamm fir-reġistri u r-rekords ta' kustodju jew detentur ieħor estern, għandu jiġi ssegregat mill-assi proprjetarji ta' dan id-detentur jew kustodju estern.

5.   Meta kollateral mhux fi flus jinżamm mill-parti kollettriċi jew minn detentur jew kustodju estern, il-kontroparti kollettriċi għandha dejjem tipprovdi lill-kontroparti li tiddepożita l-għażla li tissegrega l-kollateral tagħha mill-assi ta' kontropartijiet li jiddepożitaw oħrajn.

6.   Il-kontropartijiet għandhom iwettqu reviżjoni ġuridika indipendenti sabiex jivverifikaw li l-arranġamenti tas-segregazzjoni jilħqu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1(g) u fil-paragrafi 3, 4 u 5. Din l-analiżi ġuridika tista' titwettaq minn unità interna indipendenti jew minn terza persuna indipendenti.

7.   Il-kontropartijiet għandhom jipprovdu evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom tal-konformità mal-paragrafu 6 rigward kull ġurisdizzjoni rilevanti u, b'talba minn awtorità kompetenti, għandhom jistabbilixxu politiki li jiżguraw il-valutazzjoni kontinwa tal-konformità.

8.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(e), il-kontropartijiet għandhom jivvalutaw il-kwalità tal-kreditu tal-istituzzjoni ta' kreditu msemmija fih bl-użu ta' metodoloġija li ma tiddependix biss jew b'mod mekkanistiku fuq valutazzjonijiet tal-kwalità tal-kreditu esterni.

Artikolu 20

It-trattament tal-marġnijiet inizjali miġbura

1.   Il-kontroparti kollettriċi ma għandhiex tagħmel riipotekazzjoni, tirhan mill-ġdid jew tuża mill-ġdid il-kollateral miġbur bħala marġni inizjali.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, detentur terz jista' juża l-marġni inizjali riċevut fi flus għal finijiet ta' riinvestiment.

TAQSIMA 6

Valutazzjoni tal-kollateral

Artikolu 21

Kalkolu tal-valur aġġustat tal-kollateral

1.   Il-kontropartijiet għandhom jaġġustaw il-valur tal-kollateral miġbur konformi mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II jew metodoloġija li tuża stimi proprji tal-volatilità skont l-Artikolu 22.

2.   Meta jaġġustaw il-valur tal-kollateral skont il-paragrafu 1, il-kontropartijiet jistgħu jinjoraw ir-riskju tal-munita barranija li jirriżulta mill-pożizzjonijiet f'valuti li huma soġġetti għal ftehim intergovernattiv legalment vinkolanti li jillimita l-varjazzjoni ta' dawn il-pożizzjonijiet relattivi għal valuti oħrajn koperti mill-istess ftehim.

Artikolu 22

Stimi proprji tal-valur aġġustat tal-kollateral

1.   Il-kontropartijiet għandhom jaġġustaw il-valur tal-kollateral miġbur bl-użu ta' stimi proprji tal-volatilità skont l-Anness III.

2.   Il-kontropartijiet għandhom jaġġornaw is-settijiet tad-data tagħhom u jikkalkulaw l-istimi proprji tal-volatilità msemmija fl-Artikolu 21 kull darba li l-livell tal-volatilità tal-prezzijiet tas-suq jinbidel b'mod materjali u tal-inqas darba kull trimestru.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-kontropartijiet għandhom jiddeterminaw minn qabel il-livelli ta' volatilità li jwasslu għal kalkolu mill-ġdid tal-haircuts kif imsemmi fl-Anness III.

4.   Il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 2(2)(d) għandhom jinkludu politiki għall-monitoraġġ tal-kalkolu tal-istimi proprji tal-volatilità u l-integrazzjoni ta' dawn l-istimi fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju ta' din il-kontroparti.

5.   Il-politiki msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu soġġetti għal analiżi interna li tinkludi dan kollu li ġej:

(a)

l-integrazzjoni tal-istimi fil-proċess tal-ġestjoni tar-riskju tal-kontroparti, li għandha sseħħ tal-inqas darba fis-sena;

(b)

l-integrazzjoni tal-haircuts stmati fil-ġestjoni tar-riskju ta' kuljum;

(c)

il-validazzjoni ta' kull tibdil sinifikanti fil-proċess għall-kalkolu tal-istimi;

(d)

il-verifika tal-konsistenza, it-tempestività u l-kredibbiltà tas-sorsi tad-data użati għall-kalkolu tal-istimi;

(e)

il-preċiżjoni u l-adegwatezza tas-suppożizzjonijiet tal-volatilità.

6.   L-analiżi msemmija fil-paragrafu 5 għandha titwettaq b'mod regolari fil-proċess tal-awditjar intern tal-kontroparti.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-PROĊEDURI TAL-ĠESTJONI TAR-RISKJU

TAQSIMA 1

Eżenzjonijiet

Artikolu 23

CCPs awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta' kreditu

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet jistgħu jipprovdu fil-proċeduri tal-immaniġġar ta' riskju tagħhom li ma jiġi skambjat l-ebda kollateral fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkunu daħlu fihom b'CCPs awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 24

Kontropartijiet mhux finanzjarji u kontropartijiet ta' pajjiżi terzi

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jistgħu jipprevedu li l-ebda kollateral ma jiġi skambjat b'rabta ma' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment maqbula ma' kontropartijiet mhux finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew ma' entitajiet mhux finanzjarji stabbiliti f'pajjiż terz li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 10(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li kieku kienu stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 25

Ammont minimu tat-trasferiment

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jistgħu jipprevedu li ma jinġabar l-ebda kollateral minn kontroparti meta l-ammont dovut mill-aħħar ġbir ta' kollateral ikun daqs jew inqas mill-ammont maqbul mill-kontropartijiet (“ammont minimu tat-trasferiment”).

L-ammont minimu tat-trasferiment m'a għandux jaqbeż EUR 500 000 jew l-ammont ekwivalenti f'valuta oħra.

2.   Meta l-kontropartijiet jaqblu dwar ammont minimu tat-trasferiment, l-ammont ta' kollateral dovut għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma ta':

(a)

il-marġni ta' varjazzjoni dovut mill-aħħar ġbir tiegħu kkalkulat konformi mal-Artikolu 10, inkluż kull eċċess ta' kollateral;

(b)

il-marġni inizjali dovut mill-aħħar ġbir tiegħu kkalkulat skont l-Artikolu 11, inkluż kull eċċess ta' kollateral;

3.   Meta l-ammont ta' kollateral dovut jaqbeż l-ammont minimu tat-trasferiment miftiehem bejn il-kontropartijiet, il-kontroparti kollettriċi għandha tiġbor l-ammont sħiħ tal-kollateral dovut mingħajr it-tnaqqis tal-ammont minimu tat-trasferiment.

4.   Il-kontropartijiet jistgħu jaqblu dwar ammonti minimi tat-trasferiment separati għal marġnijiet inizjali u ta' varjazzjoni, bil-kundizzjoni li s-somma ta' dawn l-ammonti minimi tat-trasferiment tkun daqs EUR 500 000 jew inqas jew l-ammont ekwivalenti f'valuta oħra.

5.   Meta l-kontropartijiet jaqblu dwar ammonti minimi tat-trasferiment separati konformi mal-paragrafu 4, il-kontroparti kollettriċi għandha tiġbor l-ammont sħiħ tal-marġni inizjali jew ta' varjazzjoni dovut mingħajr l-ebda tnaqqis minn dawn l-ammonti minimi tat-trasferiment meta l-ammont tal-kollateral inizjali jew ta' varjazzjoni dovut jaqbeż l-ammont tat-trasferiment minimu.

Artikolu 26

Kalkolu tal-marġni ma' kontropartijiet ta' pajjiż terz

Meta kontroparti tkun domiċiljata f'pajjiż terz, il-kontropartijiet jistgħu jikkalkulaw il-marġnijiet abbażi ta' sett tan-nettjar li jinkludi t-tipi ta' kuntratti li ġejjin:

(a)

id-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment soġġetti għal rekwiżiti ta' marġni skont dan ir-Regolament;

(b)

kuntratti li jissodisfaw iż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)

huma identifikati bħala derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment mir-reġim regolatorju applikabbli għall-kontroparti domiċiljata fil-pajjiż terz;

(ii)

ikunu soġġetti għal regoli dwar il-marġni fir-reġim regolatorju applikabbli għall-kontroparti domiċiljata fil-pajjiż terz.

TAQSIMA 2

Eżenzjonijiet fil-kalkolu tal-livelli tal-marġni inizjali

Artikolu 27

Kuntratti ta' kambju

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jistgħu jipprevedu li ma jinġabrux marġnijiet inizjali rigward:

(a)

kuntratti tad-derivattivi OTC imħallsa b'mod fiżiku li jinvolvu biss l-iskambju ta' żewġ valuti differenti f'data futura speċifika b'rata fissa miftiehma fid-data tan-negozju tal-kuntratt li jkopri l-iskambju (“kuntratti forward tal-kambju”);

(b)

kuntratti tad-derivattivi OTC saldati b'mod fiżiku li jinvolvu biss skambju ta' żewġ valuti differenti f'data speċifika b'rata fissa li tiġi mifthiema fid-data tan-negozju tal-kuntratt li jkopri l-iskambju, u skambju b'lura taż-żewġ valuti f'data iktar tard u b'rata fissa li tiġi mifthiema wkoll fid-data tan-negozju tal-kuntratt li jkopri l-iskambju (“swaps tal-valuti skont ir-rata tal-kambju”);

(c)

l-iskambju ta' kapital ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li skonthom il-kontropartijiet jiskambjaw biss l-ammont ewlieni u kull ħlas ta' imgħax f'valuta waħda għall-ammont ewlieni u kull ħlas ta' imgħax f'valuta oħra, f'punti speċifikati fiż-żmien, skont formola speċifikata (“swap tal-valuti”).

Artikolu 28

Limitu bbażat fuq ammont nozzjonali

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jistgħu jipprevedu li l-marġnijiet inizjali ma jinġabrux għall-kuntratti tad-derivattivi OTC kollha ffirmati fi żmien sena kalendarja meta waħda miż-żewġ kontropartijiet ikollha ammont nozzjonali aggregat medju fi tmiem ix-xahar ta' kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment għax-xhur ta' Marzu, April u Mejju tas-sena preċedenti ta' inqas minn EUR 8 biljun.

L-ammont nozzjonali aggregat medju fi tmiem ix-xahar imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat fil-livell tal-kontroparti jew fil-livell tal-grupp meta l-kontroparti tagħmel parti minn grupp.

2.   Meta kontroparti tagħmel parti minn grupp, il-kalkolu tal-ammont nozzjonali aggregat medju fi tmiem ix-xahar għandu jinkludi l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment kollha tal-grupp, inklużi l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment intragrupp kollha.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kuntratti tad-derivattivi OTC li jkunu tranżazzjonijiet interni għandhom jiġu kkunsidrati darba waħda biss.

3.   L-UCITS awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE u fondi ta' investimenti alternattivi ġestiti minn maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) għandhom jiġu kkunsidrati bħala entitajiet distinti u għandhom jiġu ttrattati separatament meta jiġu applikati l-limiti msemmija fil-paragrafu 1 meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jkunu puli segregati distinti ta' assi għall-finijiet tal-insolvenza jew il-falliment tal-fond;

(b)

il-puli segregati tal-assi ma jiġux kollateralizzati, iggarantiti jew appoġġati finanzjarjament mod ieħor minn fondi ta' investiment oħrajn jew mill-maniġers tagħhom.

Artikolu 29

Limitu bbażat fuq l-ammonti tal-marġni inizjali

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jistgħu jipprovdu li l-marġni inizjali miġbur jitnaqqas b'ammont sa massimu ta' EUR 50 miljun fil-każ tal-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu jew EUR 10 miljun fil-każ tal-punt (c) meta:

(a)

l-ebda kontroparti ma tkun tappartjeni għall-ebda grupp;

(b)

il-kontropartijiet ikunu parti minn gruppi differenti;

(c)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu jappartjenui għall-istess grupp.

2.   Meta kontroparti ma tiġborx il-marġnijiet inizjali konformi mal-paragrafu 1(b), il-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 2(1) għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ, fil-livell tal-grupp, ta' jekk dan il-livell limitu jinqabiżx u dispożizzjonijiet għaż-żamma ta' rekords xierqa tal-iskoperturi tal-grupp għal kull kontroparti singola fl-istess grupp.

3.   L-UCITS awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE u fondi ta' investimenti alternattivi ġestiti minn maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE għandhom jiġu kkunsidrati bħala entitajiet distinti u għandhom jiġu ttrattati separatament meta jiġu applikati l-limiti msemmija fil-paragrafu 1 meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jkunu puli segregati distinti ta' assi għall-finijiet tal-insolvenza jew il-falliment tal-fond;

(b)

il-puli segregati tal-assi ma jiġux kollateralizzati, iggarantiti jew appoġġati finanzjarjament mod ieħor minn fondi ta' investiment oħrajn jew mill-maniġers tagħhom.

TAQSIMA 3

Eżenzjonijiet mir-rekwiżit li jiġi ddepożitat jew miġbur marġni inizjali jew ta' varjazzjoni

Artikolu 30

It-trattament tad-derivattivi assoċjati ma' bonds koperti għal finijiet ta' ħħeġġjar

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2) u meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, il-kontropartijiet jistgħu, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jipprevedu dan li ġej b'rabta mal-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi f'konnessjoni ma' bonds koperti:

(a)

il-marġni ta' varjazzjoni ma jiġix iddepożitat mill-emittent tal-bonds koperti jew mill-pula ta' kopertura iżda jinġabar mill-kontroparti tiegħu fi flus u jingħata lura lill-kontroparti tiegħu meta jkun dovut;

(b)

il-marġni inizjali ma jiġix iddepożitat jew miġbur.

2.   Il-paragrafu 1 japplika meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt tad-derivattivi OTC ma jintemmx f'każ tar-riżoluzzjoni jew l-insolvenza tal-emittent tal-bonds koperti jew tal-pula ta' kopertura;

(b)

il-kontroparti għad-derivattiv OTC konkluż ma' emittenti ta' bonds koperti jew b'puli ta' kopertura għal bonds koperti tiġi kklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi tal-bonds koperti għajr meta l-kontroparti għad-derivattiv OTC konkluż ma' emittenti ta' bonds koperti jew ma' puli ta' kopertura għal bonds koperti tkun il-parti kontumaċi jew il-parti affettwata, jew tirrinunzja l-klassifikazzjoni ta' pari passu;

(c)

il-kuntratt tad-derivattivi OTC jiġi rreġistrat jew irrekordjat fil-pula ta' kopertura tal-bond kopert konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-bonds koperti;

(d)

il-kuntratt tad-derivattivi OTC jintuża biss għall-iħħeġġjar tar-rata tal-imgħax jew tad-diskrepanzi fil-valuti tal-grupp ta' kopertura rigward il-bond kopert;

(e)

is-sett tan-nettjar ma jinkludix kuntratti tad-derivattivi OTC mhux relatati mal-pula ta' kopertura tal-bond kopert;

(f)

il-bond kopert li miegħu jkun assoċjat il-kuntratt tad-derivattivi OTC jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafi (1), (2) u (3) tal-Artikolu 129 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(g)

il-pula ta' kopertura tal-bond kopert li miegħu jkun assoċjat il-kuntratt tad-derivattivi OTC hi soġġetta għal rekwiżit ta' kollateralizzazzjoni regolatorja ta' mill-inqas 102 %.

Artikolu 31

It-trattament tad-derivattivi b'kontropartijiet f'pajjiżi terzi fejn l-infurzabbiltà ġuridika tal-ftehimiet tan-nettjar jew ta' protezzjoni tal-kollateral ma tistax tiġi żgurata

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipprevedu, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, li mhuwiex meħtieġ li l-marġnijiet ta' varjazzjoni u inizjali jiġu ddepożitati għal kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment konklużi ma' kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li għalih tkun tapplika kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-analiżi ġuridika msemmija fl-Artikolu 2(3) tikkonferma li l-ftehim ta' netting u, meta jintuża, l-iskambju ta' ftehim ta' kollateral ma jistax jiġi infurzat legalment b'ċertezza f'kull żmien;

(b)

l-analiżi ġuridika msemmija fl-Artikolu 19(6) tikkonferma li r-rekwiżiti ta' segregazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(3), (4) u (5) ma jistgħux jiġu ssodisfati.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni għandhom jiġbru l-marġni fuq bażi grossa.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 2(2), il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jipprevedu, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, li mhuwiex meħtieġ li l-marġnijiet ta' varjazzjoni u inizjali jiġu ddepożitati jew li jinġabru għall-kuntratti konklużi ma' kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz meta japplikaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-punti (a) u, meta applikabbli, il-punt (b) tal-paragrafu 1 japplikaw;

(b)

l-analiżijiet ġuridiċi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jikkonfermaw li l-ġbir ta' kollateral konformi ma' dan ir-Regolament mhuwiex possibbli, anki abbażi ta' ġbir ta' kollateral bil-grossa;

(c)

il-proporzjon ikkalkulat konformi mal-paragrafu 3 huwa inqas minn 2,5 %.

3.   Il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2(c) għandu jkun ir-riżultat tad-diviżjoni tal-ammont li jirriżulta mill-punt (a) ta' dan il-paragrafu b'dak li jirriżulta mill-punt (b):

(a)

is-somma tal-ammonti nozzjonali ta' kwalunkwe kuntratt tad-derivattivi OTC pendenti tal-grupp li minnu tagħmel parti l-kontroparti li jkun ġie konkluż wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u li għalih ma jkun inġabar l-ebda marġni mill-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li għalihom japplika l-punt (b) tal-paragrafu 2;

(b)

is-somma tal-ammonti nozzjonali tal-kuntratti tad-derivattivi OTC pendenti kollha tal-grupp li minnu tagħmel parti l-kontroparti, bl-esklużjoni tal-kuntratti tad-derivattivi OTC li jkunu tranżazzjonijiet intragrupp.

KAPITOLU III

KUNTRATTI DERIVATTIVI INTRAGRUPP

TAQSIMA 1

Proċeduri għall-kontropartijiet u l-awtoritajiet kompetenti meta jiġu applikati eżenzjonijiet għall-kuntratti tad-derivattivi intragrupp

Artikolu 32

Proċeduri għall-kontropartijiet u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti

1.   L-applikazzjoni jew in-notifika minn kontroparti lill-awtorità kompetenti skont il-paragrafi minn 6 sa 10 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jitqiesu bħala riċevuti meta l-awtorità kompetenti tirċievi l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)

l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafi 6, 7, 8, 9 jew 10, rispettivament, tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunux intlaħqu;

(b)

l-informazzjoni u d-dokumenti msemmijin fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 (10).

2.   Meta awtorità kompetenti tiddetermina li tkun meħtieġa iktar informazzjoni sabiex jiġi vvalutat jekk intlaħqux il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), għandha tippreżenta talba bil-miktub għal informazzjoni lill-kontroparti.

3.   Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tiġi kkomunikata lill-kontroparti fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tal-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Meta awtorità kompetenti tilħaq deċiżjoni pożittiva skont il-paragrafi 6, 8, jew 10 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, hija għandha tikkomunika din id-deċiżjoni pożittiva lill-kontroparti bil-miktub, u tispeċifika tal-inqas dan li ġej:

(a)

jekk l-eżenzjoni hijiex eżenzjoni sħiħa jew eżenzjoni parzjali;

(b)

fil-każ ta' eżenzjoni parzjali, identifikazzjoni ċara tal-limitazzjonijiet tal-eżenzjoni.

5.   Meta awtorità kompetenti tasal għal deċiżjoni negattiva skont il-paragrafi 6, 8, jew 10 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew toġġezzjona għal notifika skont il-paragrafi 7 jew 9 tal-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament, hija għandha tikkomunika din id-deċiżjoni negattiva jew din l-oġġezzjoni lill-kontroparti bil-miktub, u tispeċifika tal-inqas dan li ġej:

(a)

il-kundizzjonijiet tal-paragrafi 6, 7, 8, 9 jew 10, rispettivament, tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li mhumiex issodisfati;

(b)

sommarju tar-raġunijiet għaliex huwa meqjus li dawn il-kundizzjonijiet mhumiex milħuqa.

6.   Meta waħda mill-awtoritajiet kompetenti notifikati skont l-Artikolu 11(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tqis li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(7) ta' dan ir-Regolament mhumiex milħuqa, hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti l-oħra fi żmien xahrejn mill-irċevuta tan-notifika.

7.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-kontropartijiet mhux finanzjarji bl-oġġezzjoni msemmija fil-paragrafu 5 fi żmien tliet xhur mill-wasla tan-notifika.

8.   Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti skont l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tiġi kkomunikata lill-kontroparti stabbilita fl-Unjoni fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tal-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1.

9.   Deċiżjoni meħuda minn awtorità kompetenti ta' kontroparti finanzjarja msemmija fl-Artikolu 11(10) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha tiġi kkomunikata lill-awtorità kompetenti tal-kontroparti mhux finanzjarja fi żmien xahrejn mill-irċevuta tal-informazzjoni kollha rċevuta msemmija fil-paragrafu 1 u lill-kontropartijiet fi żmien tliet xhur mill-irċevuta ta' din l-informazzjoni.

10.   Il-kontropartijiet li jkunu ppreżentaw notifika jew ikunu rċevew deċiżjoni pożittiva skont il-paragrafi 6, 7, 8, 9 jew 10, rispettivament, tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jinnotifikaw minnufih lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kull bidla li tista' taffettwa l-ilħuq tal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dawn il-paragrafi, kif applikabbli. L-awtorità kompetenti tista' toġġezzjona għall-applikazzjoni għall-eżenzjoni jew tirtira d-deċiżjoni pożittiva tagħha wara kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi li tista' taffettwa l-issodisfar ta' dawk il-kundizzjonijiet.

11.   Meta deċiżjoni negattiva jew oġġezzjoni tiġi kkomunikata minn awtorità kompetenti, il-kontroparti rilevanti tista' tippreżenta biss applikazzjoni jew notifika oħra meta sseħħ bidla materjali fiċ-ċirkostanzi li jiffurmaw il-bażi tad-deċiżjoni jew l-oġġezzjoni tal-awtorità kompetenti.

TAQSIMA 2

Kriterji applikabbli għall-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet għall-kuntratti tad-derivattivi intragrupp

Artikolu 33

Kriterji applikabbli dwar l-impediment legali tat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji u l-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet

Impediment legali għat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet bejn il-kontropartijiet kif imsemmi fil-paragrafi minn 5 sa 10 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandu jitqies bħala eżistenti meta jkun hemm restrizzjonijiet effettivi jew previsti ta' natura legali inkluża kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

kontrolli tal-valuti u tal-kambju;

(b)

qafas regolatorju, amministrattiv, ġuridiku jew kuntrattwali li jipprevjeni l-appoġġ finanzjarju reċiproku jew jaffettwa b'mod sinifikanti t-trasferiment ta' fondi fi grupp;

(c)

tintlaħaq kwalunkwe waħda mill-kundizzjoniiet dwar l-intervent bikri, l-irkupru u r-riżoluzzjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), u b'riżultat ta' dan l-awtorità kompetenti tipprevedi impediment għat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew ħlas lura ta' obbligazzjonijiet;

(d)

l-eżistenza ta' interessi minoritarji li jillimitaw is-setgħa tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-entitajiet li jiffurmaw il-grupp;

(e)

in-natura tal-istruttura legali tal-kontroparti, kif definit fl-istatuti, l-istrumenti ta' inkorporazzjoni u r-regoli interni tagħha.

Artikolu 34

Kriterji applikabbli dwar l-impedimenti prattiċi tat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji u l-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet

Għandu jitqies li jkun jeżisti impediment prattiku għat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet bejn il-kontropartijiet kif imsemmi fil-paragrafi minn 5 sa 10 tal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 meta jkun hemm restrizzjonijiet ta' natura prattika, inkluż kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

disponibbiltà insuffiċjenti ta' assi likwidi jew mhux gravati għall-kontroparti rilevanti meta dovuti;

(b)

impedimenti ta' natura operazzjonali li jdewmu b'mod effettiv jew jipprevjenu dawn it-trasferimenti jew dan il-ħlas lura meta dovuti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 35

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Il-kontropartijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jista' jkompli japplika l-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju li jkollhom fis-seħħ fid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkunu daħlu fihom bejn is-16 ta' Awwissu 2012 u d-dati rilevanti tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Applikazzjoni tal-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11, l-Artikoli minn 13 sa 18, il-punti (c), (d) u (f) tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 20

1.   L-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11, l-Artikoli minn 13 sa 18, il-punti (c), (d) u (f) tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 20 japplikaw kif ġej:

(a)

minn xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, meta ż-żewġ kontropartijiet ikollhom, jew ikunu jappartjenu għal gruppi li kull wieħed minnhom ikollu ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ta' aktar minn EUR 3 000 biljun;

(b)

mill-1 ta' Settembru 2017, meta ż-żewġ kontropartijiet ikollhom, jew jagħmlu parti minn gruppi li kull wieħed minnhom ikollu, ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkun ogħla minn EUR 2 250 biljun;

(c)

mill-1 ta' Settembru 2018, meta ż-żewġ kontropartijiet ikollhom, jew jagħmlu parti minn gruppi li kull wieħed minnhom ikollu, ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkun ogħla minn EUR 1 500 biljun;

(d)

mill-1 ta' Settembru 2019, meta ż-żewġ kontropartijiet ikollhom, jew jagħmlu parti minn gruppi li kull wieħed minnhom ikollu, ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkun ogħla minn EUR 750 biljun;

(e)

mill-1 ta' Settembru 2020, meta ż-żewġ kontropartijiet ikollhom, jew jagħmlu parti minn gruppi li kull wieħed minnhom ikollu, ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment li jkun ogħla minn EUR 8 biljuni.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jintlaħqu, l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 11,l-Artikoli minn 13 sa 18, il-punti (c), (d) u (f) tal-Artikolu 19(1), l-Artikolu 19(3) u l-Artikolu 20 għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

tliet (3) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament meta ma tiġi adottata l-ebda deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(b)

id-data l-iktar tard minn dawn li ġejjin meta tiġi adottata deċiżjoni dwar l-ekwivalenza skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti:

(i)

erba' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-finijiet tal-Artikolu 11(3) ta' dan ir-Regolament rigward il-pajjiż terz rilevanti;

(ii)

id-data applikabbli ddeterminata skont il-paragrafu 1.

3.   Id-deroga msemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika biss meta l-kontropartijiet għal kuntratt tad-derivattivi OTC ikklirjat mhux ċentralment jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

kontroparti waħda tkun stabbilita f'pajjiż terz u l-kontroparti l-oħra tkun stabbilita fl-Unjoni;

(b)

il-kontroparti stabbilita f'pajjiż terz tkun kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja;

(c)

il-kontroparti stabbilita fl-Unjoni tkun waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kontroparti finanzjarja, kontroparti mhux finanzjarja, kumpanija azzjonarja finanzjarja, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi anċillari soġġetta għal rekwiżiti prudenzjali xierqa u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti finanzjarja;

(ii)

kontroparti finanzjarja jew kontroparti mhux finanzjarja u l-kontroparti ta' pajjiż terz imsemmija fil-punt (a) tkun kontroparti mhux finanzjarja;

(d)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu inklużi fl-istess konsolidazzjoni fuq bażi sħiħa konformi mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(e)

iż-żewġ kontropartijiet ikunu soġġetti għal proċeduri ċentralizzati xierqa tal-evalwazzjoni, tal-kejl u tal-kontroll tar-riskju;

(f)

jintlaħqu r-rekwiżiti tal-Kapitolu III.

Artikolu 37

Applikazzjoni tal-Artikoli 9(1), 10 u 12

1.   l-Artikoli 9(1), 10 u 12 għandhom japplikaw kif ġej:

(a)

minn xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għall-kontropartijiet li t-tnejn li huma jkollhom, jew jagħmlu parti minn, gruppi li kull wieħed minnhom ikollu ammont nozzjonali aggregat medju ta' derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment ta' aktar minn EUR 3 000 biljun;

(b)

mid-data li hija l-iktar tard bejn l-1 ta' Marzu 2017, jew xahar wieħed (1) wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għal kontropartijiet oħrajn.

2.   Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1 rigward il-kuntratti forward tal-kambju msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 27, l-Artikoli 9(1), 10 u 12 għandhom japplikaw f'waħda mid-dati li ġejjin, skont liema waħda li tiġi l-ewwel:

(a)

il-31 ta' Diċembru 2018, meta r-Regolament imsemmi fil-punt (b) ma jkunx għadu beda japplika;

(b)

id-data ta' dħul fis-seħħ tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (*2) li jispeċifika xi elementi tekniċi relatati mad-definizzjoni ta' strumenti finanzjarji rigward kuntratti forward tal-kambju saldati b'mod fiżiku jew id-data ddeterminata skont il-paragrafu 1, skont liema tiġi aktar tard.

Artikolu 38

Dati tal-applikazzjoni għal kuntratti speċifiċi

1.   Permezz ta' deroga mill-Artikoli 36(1) u 37, rigward id-derivattivi OTC kollha ikklirjati mhux ċentralment li huma għażliet ta' ekwità ta' stokk singolu jew għażliet fuq l-indiċi, l-Artikoli msemmija fl-Artikoli 36(1) u 37 għandhom japplikaw minn tliet (3) snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2.   Permezz ta' deroga mill-Artikoli 36(1) u 37, meta kontroparti stabbilita fl-Unjoni tidħol f'kuntratt tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati ma' kontroparti oħra li tappartjeni għall-istess grupp, l-Artikoli msemmija fl-Artikoli 36(1) u 37 għandhom japplikaw mid-dati speċifikati skont dawk l-Artikoli jew l-4 ta' Lulju 2017, skont liema tkun l-aktar tard.

Artikolu 39

Kalkolu tal-ammont nozzjonali aggregat medju

1.   Għall-finijiet tal-Artikoli 36 u 37, l-ammont nozzjonali aggregat medju msemmi għandu jiġi kkalkulat bħala l-medja tal-ammont nozzjonali gross totali li jilħaq il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

li jiġu rreġistrati fl-aħħar jum tan-negozju ta' Marzu, April u Mejju 2016 rigward il-kontropartijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 36(1);

(b)

li jiġu rreġistrati fl-aħħar jum tan-negozju ta' Marzu, April u Mejju tas-sena msemmija f'kull wieħed mill-punti fl-Artikolu 36(1);

(c)

jinkludi l-entitajiet kollha tal-grupp;

(d)

jinkludi l-kuntratti tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment kollha tal-grupp;

(e)

jinkludi l-kuntratti intragrupp tad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment kollha tal-grupp, fejn kull wieħed minnhom jingħadd għal darba.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-UCITS awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE u fondi ta' investimenti alternattivi ġestiti minn maniġers ta' fondi ta' investiment alternattivi awtorizzati jew irreġistrati skont id-Direttiva 2011/61/UE għandhom jiġu kkunsidrati bħala entitajiet distinti u għandhom jiġu ttrattati separatament, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jkunu puli segregati distinti ta' assi għall-finijiet tal-insolvenza jew il-falliment tal-fond;

(b)

il-puli segregati tal-assi ma jiġux kollateralizzati, iggarantiti jew appoġġati finanzjarjament mod ieħor minn fondi ta' investiment oħrajn jew mill-maniġers tagħhom.

Artikolu 40

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummisjoni (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 41).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(*1)  C(2016) 2398 final.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(8)  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (undertakings for collective investment in transferable securities, UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(9)  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 149/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-arranġamenti tal-ikklerjar indiretti, l-obbligu tal-ikklerjar, ir-reġistru pubbliku, l-aċċess għal ċentru tan-negozjar, kontropartijiet nonfinanzjarji, tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskji għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (ĠU L 52, 23.2.2013, p. 11).

(11)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(*2)  C(2016) 2398 final.


ANNESS I

Korrespondenza tal-Probabbiltà tal-Inadempjenza (“PD”) mal-Iskali tal-Kwalità Kreditizja għall-finijiet tal-Artikoli 6 u 7

Klassifikazzjoni interna b'PD daqs jew inqas mill-valur fit-Tabella 1 għandu jkun assoċjat mal-iskala tal-kwalità kreditizja korrispondenti.

Tabella 1

Skala tal-Kwalità Kreditizja

Probabilità tal-inadempjenza, kif definita fl-Artikolu 4(54) tar-Regolament (UE) 575/2013 inqas minn jew daqs:

1

0,10 %

2

0,25 %

3

1 %

4

7,5 %


ANNESS II

Metodoloġija għall-aġġustament tal-valur tal-kollateral għall-finijiet tal-Artikolu 21

1.

Il-valur tal-kollateral għandu jkun aġġustat kif ġej:

Cvalue = C · (1 – HC – HFX)

fejn:

C

=

il-valur tas-suq tal-kollateral;

HC

=

il-haircut xierqa għall-kollateral, kif ikkalkulata skont il-paragrafu 2;

HC

=

il-haircut xierqa għall-ispariġġ bejn il-valuti, kif ikkalkulat skont il-paragrafu 6.

2.

Il-kontropartijiet għandhom japplikaw tal-inqas il-haircuts ipprovduti fit-Tabelli 1 u 2 li ġejjin fuq il-valur tas-suq tal-kollateral:

Tabella 1

Haircuts għal valutazzjoni tal-kwalità kreditizja fuq terminu twil

Skala tal-kwalità kreditizja li magħha hija assoċjata l-valutazzjoni tal-kreditu tat-titolu ta’ dejn

Maturità residwa

Haircuts fuq titoli ta' dejn maħruġin minn entitajiet deskritti fl-Artikolu 4(1)(c) sa (e) u (h) sa (k), f'(%)

Haircuts fuq titolu ta' dejn maħruġ minn entitajiet deskritti fl-Artikolu 4 (1) (f), (g), (l) sa (n) f'(%)

Haircuts għal-pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 4 (1) (o) f'%

1

≤ sena

0,5

1

2

> 1 ≤ 5

2

4

8

> 5 snin

4

8

16

2-3

≤ sena

1

2

4

> 1 ≤ 5 snin

3

6

12

> 5 snin

6

12

24

4 jew inqas

≤ sena

15

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

> 1 ≤ 5 snin

15

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli

> 5 snin

15

Mhux applikabbli

Mhux applikabbli


Tabella 2

Haircuts għal valutazzjoni tal-kwalità kreditizja fuq terminu qasir

Skala tal-kwalità kreditizjali li magħha hija assoċjata l-klassifikazzjoni tal-kreditu ta' titolu ta' dejn b'terminu qasir

Haircuts fuq titoli ta' dejn maħruġin minn entitajiet deskritti fl-Artikolu 4(1)(c) u (j) f'(%)

Haircuts fuq titoli ta' dejn maħruġin minn entitajiet deskritti fl-Artikolu 4(1)(m) f'(%)

Haircuts għal-pożizzjonijiet ta' titolizzazzjoni li jissodisfaw il-kriterji fl-Artikolu 4 (1) (o) f'(%)

1

0,5

1

2

2-3 jew inqas

1

2

4

1.

Ekwitajiet f'indiċi ewlenin, bonds konvertibbli għal ekwitajiet f'indiċi ewlenin u d-deheb għandu jkollhom telf impost fuq il-kredituri ta' 15 %.

2.

Għal unitajiet eliġibbli f'UCITS il-haircut hija l-medja ponderata tal-haircuts li japplikaw fuq l-assi li fih il-fond huwa investit.

3.

Il-marġni ta' varjazzjoni ta' flus għandu jkun soġġett għal haircut ta' 0 %.

4.

Għall-finijiet tal-iskambju tal-marġni ta' varjazzjoni, għandha tapplika haircut ta' 8 % fuq kull kollateral mhux fi flus depożitati f'valuta li mhix waħda minn dawk li tkun maqbula f'kuntratt tad-derivattivi individwali, il-ftehim prinċipali ta' netting li jiggvernaha relevanti jew fl-anness ta' appoġġ tal-kreditu relevanti.

5.

Għall-finijiet tal-iskambju tal-marġni inizjali, għandha tapplika haircut ta' 8 % fuq il-kollaterali fi flus u mhux fi flus depożitati f'munita li mhix dik li fiha għandhom isiru l-pagamenti fil-każ ta' terminazzjoni bikrija jew inadempjenza skont il-kuntratt tad-derivattiv singolu, il-ftehim dwar skambju ta' kollateral relevanti jew l-anness ta' appoġġ tal-kreditu relevanti (“munita tat-terminazzjoni”). Kull kontroparti tista' tagħżel munita tat-terminazzjoni differenti. Meta l-ftehim ma jkunx jidentifika munita tat-terminazzjoni, il-haircut tapplika fuq il-valur tas-suq tal-assi kollha depożitati bħala kollateral.


ANNESS III

Stimi tal-volatilità proprji tal-haircuts li għandhom jiġu applikati fuq il-valur tas-suq tal-kollateral għall-finijiet tal-Artikolu 22

1.

Il-kalkolu tal-valur aġġustat tal-kollateral għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kontropartijiet għandhom jibbażaw il-kalkolu fuq id-99 perċentil, b'interval ta' kunfidenza fuq naħa waħda;

(b)

il-kontropartijiet għandhom jibbażaw il-kalkolu fuq perjodu ta' likwidazzjoni ta' mill-inqas 10 ijiem tan-negozju.

(c)

il-kontropartijiet għandhom jikkalkulaw il-haircuts billi jiskalaw il-haircuts tar-rivalwazzjoni ta' kuljum, billi jużaw il-formula tal-għerq kwadrat tal-ħin li ġejja:

Formula

fejn:

H

=

il-haircut li għandha tiġi applikata;

HM

=

il-haircut meta jkun hemm rivalwazzjoni ta' kuljum;

NR

=

in-numru attwali ta' jiem ta' negozju bejn ir-rivalwazzjonijiet;

TM

=

il-perjodu ta' likwidazzjoni tat-tip ta' tranżazzjoni inkwistjoni.

(d)

il-kontropartijiet għandhom jieħdu kont tal-likwidità iktar baxxa ta' assi ta' kwalità baxxa. Dawn għandhom jaġġustaw il-perjodu ta' likwidazzjoni 'il fuq f'każijiet meta jkun hemm dubji rigward il-likwidità tal-kollateral. Dawn għandhom jidentifikaw ukoll fejn dejta storika tista' tissottovaluta l-volatilità potenzjali. Tali każijiet għandhom jiġu indirizzati permezz ta' xenarju ta' stress;

(e)

it-tul tal-perjodu ta' osservazzjoni storika li l-istituzzjonijiet jużaw sabiex jikkalkolaw il-haircuts għandu jkun tal-inqas ta' sena. Għal istituzzjonijiet li jużaw skema ta' ponderazzjoni jew metodi oħrajn għall-perjodu ta' osservazzjoni storika, it-tul tal-perjodu ta' osservazzjoni effettiv għandu jkun mill-inqas ta' sena.

(f)

Il-valur tas-suq tal-kollateral għandu jiġi aġġustat kif ġej:

Cvalue = C · (1 – H)

fejn:

C

=

il-valur tas-suq tal-kollateral;

H

=

il-haircut kif ikkalkulata fil-punt (c) iktar 'il fuq.

2.

Il-marġni ta' varjazzjoni ta' flus jista' jkun soġġett għal haircut ta' 0 %.

3.

Għal titoli ta' dejn li għandhom klassifikazzjoni tal-kreditu minn ECAI, il-kontropartijiet jistgħu jużaw l-istima tal-volatilità tagħhom stess għal kull kategorija ta' titolu.

4.

Meta jkunu qegħdin jiddeterminaw il-kategoriji relevanti tat-titoli għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kontropartijiet għandhom jieħdu kont tat-tip ta' emittent tat-titolu, il-klassifikazzjoni esterna tat-titoli, il-maturità residwa tagħhom, u d-durata modifikata tagħhom. L-istimi tal-volatilità għandhom jirrappreżentaw it-titoli inklużi fil-kategorija.

5.

Il-kalkolu tal-haircuts li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

kontroparti għandha tuża l-istimi tal-volatilità fil-proċess ta' kuljum tal-ġestjoni tar- riskji inklużi fir-relazzjoni mal-limiti ta' skopertura tagħha;

(b)

meta l-perjodu ta' likwidazzjoni użat minn kontroparti jkun itwal minn dak imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għat-tip ta' kuntratt tad-derivattivi OTC inkwistjoni, dik il-kontroparti għandha żżid il-haircuts tagħha konformi mal-formola tal-għerq kwadrat tal-ħin imsemmija fil-punt (c) ta' dak il-paragrafu.


ANNESS IV

Metodu Standardizzat għall-kalkolu tal-marġni inizjali għall-finijiet tal-Artikoli 9 u 11

1.

L-ammonti nozzjonali jew sottostanti, kif applikabbli, tal-kuntratt tad-derivattivi OTC f'sett tan-nettjar għandhom jiġu multiplikati bil-persentaġġi fit-Tabella 1 li ġejja:

Tabella 1

Kategorija

Fattur add-on

Kreditu: Maturità residwa ta' 0 sa 2 snin

2 %

Kreditu: Maturità residwa ta' 2 sa 5 snin

5 %

Kreditu: Maturità residwa ta' 5+ snin

10 %

Komodità

15 %

Ekwità

15 %

Munita barranija

6 %

Rata tal-imgħax u inflazzjoni: Maturità residwa ta' 0 sa 2 snin

1 %

Rata tal-imgħax u inflazzjoni: Maturità residwa ta' 2 sa 5 snin

2 %

Rata tal-imgħax u inflazzjoni: Maturità residwa ta' 5+ snin

4 %

Oħrajn

15 %

2.

Il-marġni inizjali gross ta' sett tan-nettjar għandu jiġi kkalkulat bħala s-somma tal-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 għal kull kuntratt tad-derivattivi OTC fis-sett tan-netting.

3.

Għandu jiġi applikat it-trattament li ġej għal kuntratti li jaqgħu f'iktar minn kategorija waħda:

(a)

meta fattur tar-riskju relevanti għal kuntratt tad-derivattivi OTC jista' jiġi identifikat b'mod ċar, il-kuntratti għandhom jiġu assenjat lill-kategorija li tikkorrespondi għal dak il-fattur tar-riskju;

(b)

meta l-kundizzjoni msemmija fil-punt (a) ma tiġix issodisfata, il-kuntratti għandhom jiġu assenjati lill-kategorija bl-ogħla fattur add-on fost il-kategoriji relevanti;

(c)

ir-rekwiżiti ta' marġini inizjali għal sett tan-nettjar għandhom jiġu kkalkulati konformi mal-formola li ġejja:

Marġni inizjali nett = 0,4 * Marġni inizjali gross + 0,6 * NGR * Marġni inizjali gross.

fejn:

(i)

marġni inizjali nett tirreferi għall-figura mnaqqsa għar-rekwiżiti ta' marġini inizjali għal kull kuntratt tad-derivattivi OTC b'kontroparti partikolari inkluża f'sett tan-nettjar;

(ii)

NGR tirreferi għall-proporzjon nett-gross kalkulat bħala l-kwozjent tal-kost tas-sostituzzjoni nett ta' sett tan-nettjar ma' kontroparti partikolari fin-numeratur, u l-kost tas-sostituzzjoni gross ta' dak is-sett tan-netting fid-denominatur;

(d)

għall-finijiet tal-punt (c), il-kost tas-sostituzzjoni nett ta' sett tan-nettjar għandu jkun l-ikbar bejn żero u s-somma tal-valuri attwali tas-suq ta' kull kuntratt tad-derivattivi OTC fis-sett tan-netting;

(e)

għall-finijiet tal-punt (c), il-kost tas-sostituzzjoni gross ta' sett tan-nettjar għandu jkun is-somma tal-valuri tas-suq kurrenti ta' kull kuntratt tad-derivattivi OTC kalkolata konformi mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikoli 16 u 17 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 149/2013 b'valuri pożittivi fis-sett tan-netting;

(f)

l-ammont nozzjonali msemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi kkalkulat permezz tan-netting tal-ammonti nozzjonali tal-kuntratti li jkunu f'direzzjoni opposta u li mill-bqija jkunu identiċi fl-aspetti kuntrattwali kollha ħlief għall-ammonti nozzjonali tagħhom.


15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/47


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2252

tal-1 ta' Diċembru 2016

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Oliva di Gaeta (DOP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Italja biex id-denominazzjoni “Oliva di Gaeta” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Ġaladarba l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni b'konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, id-denominazzjoni “Burrata di Andria” għandha tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Oliva di Gaeta” (DOP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 282, 4.8.2016, p. 14.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179 tad-19.6.2014, p. 36).


15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/48


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2253

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jiftaħ u jipprovdi għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1),u b'mod partikolari l-Artikolu 58(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623 tal-1 ta' Ġunju 2016 (2), il-Kunsill awtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (3) (“il-Ftehim”).

(2)

Il-Ftehim jistipula li d-dazji doganali fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta' oġġetti li joriġinaw fl-Istati EPA SADC għandhom jitnaqqsu jew jiġu eliminati skont l-iskeda ta' tneħħija tat-tariffi fl-Anness I tal-Ftehim. L-Anness I jipprovdi li għal ċerti oġġetti li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali huma mogħtija fi ħdan il-kwoti tariffarji.

(3)

Il-Parti 1, Taqsima B, tal-Anness I tal-Ftehim tistipula li l-Unjoni għandha tamministra dawn il-kwoti tariffarji fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tamministra dawn il-kwoti tariffarji skont ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji stipulati fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (4).

(4)

Il-Protokoll 4 tal-Ftehim jistipula li, fil-każ ta' applikazzjoni provviżorja ta' dan il-Ftehim bejn l-UE u r-ratifika mill-Afrika t'Isfel, l-applikazzjoni tal-Artikoli tal-Ftehim dwar il-Kummerċ, l-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni mal-Afrika t'Isfel (5) li huma stabbiliti fit-Titolu II dwar il-kummerċ u t-Titolu III dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-Annessi u l-Protokolli korrispondenti tiegħu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 31 tiegħu dwar it-trasport marittimu, għandhom jiġu sospiżi. Għalhekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2793/1999 (6) għandu jiġi sospiż mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim.

(5)

L-Artikolu 16 tal-Protokoll 3 tal-Ftehim jistipula li l-konċessjonijiet ta' aċċess għas-suq agrikolu għandhom jingħataw biss lil dik il-Parti li tagħmel n-notifika skont l-Artikolu 3(3) ta' dan il-Protokoll mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-irċevuta mill-Parti l-oħra tat-tali notifika. Peress li n-notifika relatata ġiet riċevuta f'Ottubru 2016, il-konċessjonijiet relatati għandhom jingħataw sa mill-1 ta' Novembru 2016.

Biex jiġu żgurati l-ġestjoni u l-applikazzjoni effettiva tal-kwoti tariffarji mogħtija skont il-Ftehim li l-Kummissjoni se tamministra fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2016.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni huma miftuħa għall-oġġetti li joriġinaw fl-Afrika t'Isfel kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Il-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu amministrati bi qbil mal-Artikoli minn 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 3

Skont il-Protokoll 4 tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2793/1999 għandha tiġi sospiża.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Novembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1623 tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati EPA SADC, min-naħa l-oħra (ĠU L 250, 16.9.2016, p. 1).

(3)  ĠU L 250, 16.9.2016, p. 3.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(5)  ĠU L 311, 4.12.1999, p. 3.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2793/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar ċerti proċeduri biex jiġi applikat il-Ftehim ta' Kummerċ, Żvilupp u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Afrika t'Isfel (ĠU L 337, 30.12.1999, p. 29).


ANNESS

Minkejja r-regoli tal-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-kliem tad-deskrizzjoni tal-prodotti għandhom ikunu meqjusa li jkollhom mhux aktar minn valur indikattiv. L-iskema preferenzjali hija ddeterminata, fil-kuntest ta' dan l-Anness, permezz tal-kopertura tal-kodiċijiet tan-NM kif jeżistu fil-mument tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Fejn ikunu indikati ex kodiċijiet tan-NM, l-iskema preferenzjali għandha tiġi ddeterminata permezz tal-applikazzjoni tal-kodiċi tan-NM u d-deskrizzjoni korrispondenti flimkien.

Numru tal-Ordni

Kodiċi NM

subdiviżjoni TARIC

Deskrizzjoni tal-prodotti

Perjodu tal-kwota

Volum tal-kwota (piż nett f'tunnellati sakemm mhux speċifikat mod ieħor)

Dazju tal-kwota tariffarja (% ta' tnaqqis)

09.1801

0402 10

 

Ħalib u krema, ikkonċentrati jew fihom iz-zokkor jew xi materjal ieħor ta' ħlewwa miżjud, f'għamla ta' trab, granuli jew f'għamla solida oħra, b'kontenut ta' xaħam, skont il-piż, li ma jaqbiżx 1,5 %

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

83,3

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

500

09.1802

0405 10

 

Butir

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

83,3

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

500

09.1804

0811 10 90

 

Frawli, iffriżati

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

377,5 (1)

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

385 (2)

09.1806

1701 13 10

1701 14 10

1701 99 10

 

Zokkor tal-kannamieli għar-raffinar u zokkor abjad, bla kontenut ta' materjal li jagħti t-togħma jew il-kulur

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

8 333

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

50 000

09.1808

1701 13 10

1701 14 10

 

Zokkor tal-kannamieli għar-raffinar, bla kontenut ta' materjal li jagħti t-togħma jew il-kulur

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

16 667

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

100 000

09.1818

1702 30 50

 

Glukożju u xiropp tal-glukożju, fl-għamla ta' trab kristallin abjad, sew jekk agglomerat jew le, bla kontenut ta' fruttożju jew fi stat niexef b'anqas minn 20 % fruttożju skont il-piż

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

83,3

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

500

09.1820

2007 91 30

 

Ġammijiet, jellies, marmellati, purè jew pastes ta' frott taċ-ċitru, b'kontenut ta' zokkor li jaqbeż it-13 % imma ma jaqbiżx it-30 % skont il-piż

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

16,7

50 % MFN

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

100

09.1822

ex 2007 99 39

16

17

18

19

22

24

26

27

29

30

32

34

39

40

46

47

54

56

Purejiet tal-lanġas, l-għajnbaqar, il-ħawħ (inkl. in-nettarini) jew taħlitiet (bl-esklużjoni tal-frott tropikali) miksuba bit-tisfija u mbagħad bit-togħlija f'vakwu, li t-tessut u l-kompożizzjoni kimika tagħhom ma jkunux nbidlu bit-trattament bis-sħana; lanġas, l-għajnbaqar, il-ħawħ (inkl. in-nettarini) jew taħlitiet (bl-esklużjoni tal-frott tropikali), preparati jew konservati, bla kontenut ta' spirtu miżjud

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

57 156  (3)

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016: 45 % MFN

Mill-1.1.2017 sal-31.12.2017: 41 % MFN

Mill-1.1.2018 sal-31.12.2018: 36 % MFN

Mill-1.1.2019 sal-31.12.2019: 32 % MFN

Mill-1.1.2020 sal-31.12.2020: 27 % MFN

Mill-1.1.2021 sal-31.12.2021: 23 % MFN

Mill-1.1.2022 sal-31.12.2022: 18 % MFN

Mill-1.1.2023 sal-31.12.2023: 14 % MFN

Mill-1.1.2024 sal-31.12.2024: 9 % MFN

Mill-1.1.2025 sal-31.12.2025: 5 % MFN

Minn 1.1.2026 sa 31.12.2026:0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

57 156

ex 2007 99 50

41

42

43

45

47

49

51

52

53

62

64

67

2007 99 97

32

33

35

37

38

39

40

41

42

44

46

48

52

57

62

2008 40 51

2008 40 59

2008 40 71

2008 40 79

2008 40 90

2008 50 61

2008 50 69

2008 50 71

2008 50 79

2008 50 92

2008 50 98

2008 70 61

2008 70 69

2008 70 71

2008 70 79

2008 70 92

2008 70 98

2008 97 59

2008 97 74

2008 97 78

2008 97 98

 

09.1824

ex 2007 99 39

43

44

Purejiet tal-frott ta' frott tropikali miksuba bit-tisfija u mbagħad bit-togħlija f'vakwu, li t-tessut u l-kompożizzjoni kimika tagħhom ma nbidlux bit-trattament bis-sħana; frott tropikali, preparat jew konservat, bla kontenut ta' spirtu miżjud

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

2 960  (4)

50 % MFN

2008 97 72

 

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

3 020  (5)

09.1826

2009 11 99

 

Meraq tal-larinġ friżat

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

1 036  (6)

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

1 057  (7)

09.1829

2009 71

2009 79

 

Meraq tat-tuffieħ

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

3 478  (8)

50 % MFN

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

3 595  (9)

09.1830

2102 10 90

 

Ħmiri attivi, għajr ħmira minn koltura u ħmira tal-furnara

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

58,3

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

350

09.1891

ex 2204 21 93

19

29

31

Inbejjed b'saħħa alkoħolika attwali bil-volum ta' mhux aktar minn 18 % vol.

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

60 105 000 litres (10)

0

ex 2204 21 94

19

29

31

61

71

81

ex 2204 21 95

11

21

31

ex 2204 21 96

11

21

31

61

71

81

ex 2204 21 97

11

21

31

ex 2204 21 98

11

21

31

61

71

81

ex 2204 29 93

10

20

30

ex 2204 29 94

21

31

71

81

ex 2204 29 95

10

20

30

ex 2204 29 96

21

31

71

81

ex 2204 29 97

10

20

30

ex 2204 29 98

21

31

71

81

09.1892

ex 2204 21 93

19

29

31

Inbejjed, f'kontenituri li jesgħu 2 litri jew anqas, b'saħħa alkoħolika attwali skont il-volum ta' mhux aktar minn 18 % vol (11).

Mill-1.1.2017 sal-31.12.2017 u, għal kull sena minn hemm 'il quddiem, mill-1.1 sal-31.12

77 741 300  (12)

0

ex 2204 21 94

19

29

31

61

71

81

ex 2204 21 95

11

21

31

ex 2204 21 96

11

21

31

61

71

81

ex 2204 21 97

11

21

31

ex 2204 21 98

11

21

31

61

71

81

09.1893

ex 2204 21 93

19

29

31

Inbejjed b'saħħa alkoħolika attwali bil-volum ta' mhux aktar minn 18 % vol.

Mill-1.1.2017 sal-31.12.2017 u, għal kull sena minn hemm 'il quddiem, mill-1.1 sal-31.12

33 317 700 litres (13)

0

ex 2204 21 94

19

29

31

61

71

81

ex 2204 21 95

11

21

31

ex 2204 21 96

11

21

31

61

71

81

ex 2204 21 97

11

21

31

ex 2204 21 98

11

21

31

61

71

81

ex 2204 29 93

10

20

30

ex 2204 29 94

21

31

71

81

ex 2204 29 95

10

20

30

ex 2204 29 96

21

31

71

81

ex 2204 29 97

10

20

30

ex 2204 29 98

21

31

71

81

09.1894

2207

 

Alkoħol etiliku mhux żnaturat b'saħħa alkoħolika, bil-volum ta' 80 % vol. jew aktar; Alkoħol etiliku u spirti oħra, żnaturati, ta' kull qawwa

Mill-1.11.2016 sal-31.12.2016

13 333

0

Għal kull sena sussegwenti mill-1.1 sal-31.12

80 000


(1)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwota tariffarja 09.1811.

(2)  Mill-1.1.2018, il-volum għandu jiżdied b'7,5 tunnellati metriċi fis-sena.

(3)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwoti tariffarji 09.1813 u 09.1815.

(4)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwota tariffarja 09.1817.

(5)  Mill-1.1.2018, il-volum għandu jiżdied b'60 tunnellata metrika fis-sena.

(6)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwota tariffarja 09.1819.

(7)  Mill-1.1.2018, il-volum għandu jiżdied b'21 tunnellata metrika fis-sena.

(8)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwoti tariffarji 09.1821.

(9)  Mill-1.1.2018 sal-31.12.2026, il-volum għandu jiżdied b'117-il tunnellata metrika fis-sena. Mill-1.1.2027, il-volum għandu jiżdied b'70,5 tunnellata metrika fis-sena.

(10)  Il-volum tal-kwota tariffarja għandu jitnaqqas mill-kwantità importata, fl-2016, skont il-kwota tariffarja 09.1825.

(11)  Mill-1.9 sal-31.12 ta' kull sena, din il-kwota tariffarja hija disponibbli wkoll għall-inbejjed, fi kwalunkwe volum ta' kontenitur, b'saħħa alkoħolika attwali skont il-volum ta' mhux aktar minn 18 % vol.

(12)  Mill-1.1.2018, il-volum għandu jiżdied b'741 300 litri fis-sena.

(13)  Mill-1.1.2018, il-volum għandu jiżdied b'317 700 litri fis-sena.


15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/57


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2254

tal-14 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

102,3

SN

241,4

TN

123,9

TR

119,2

ZZ

146,7

0707 00 05

MA

63,2

TR

160,2

ZZ

111,7

0709 93 10

MA

143,1

TR

162,1

ZZ

152,6

0805 10 20

TR

71,8

ZA

27,9

ZZ

49,9

0805 20 10

MA

71,1

ZZ

71,1

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

110,6

JM

125,0

TR

81,6

ZZ

105,7

0805 50 10

TR

78,8

ZZ

78,8

0808 10 80

US

97,3

ZA

36,6

ZZ

67,0

0808 30 90

CN

83,8

ZZ

83,8


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ (PESK) 2016/2255

tas-7 ta' Diċembru 2016

dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi ta' Stati terzi għall-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (EUTM RCA/2/2016)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 tad-19 ta' April 2016 dwar Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2016/610, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni ta' kontributi proposti minn Stati terzi għall-Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea Militari fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA).

(2)

Skont ir-rakkomandazzjoni mill-Kmandant tal-Missjoni EUTM RCA tal-UE dwar kontribut propost mir-Repubblika tas-Serbja u l-parir ipprovdut mill-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea f'dak ir-rigward, dak il-kontribut għandu jiġi aċċettat u kkunsidrat sinifikanti.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li jkollhom implikazzjonijiet ta' difiża. Konsegwentement, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u la hi marbuta biha u lanqas mhija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontributi ta' Stati Terzi

1.   Il-kontribut mir-Repubblika tas-Serbja għal EUTM RCA huwa aċċettat u meqjus bħala sinifikanti.

2.   Ir-Repubblika tas-Serbja hija eżentata minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit ta' EUTM RCA.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)  ĠU L 104, 20.4.2016, p. 21.


RAKKOMANDAZZJONIJIET

15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/60


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2256

tat-8 ta' Diċembru 2016

indirizzata lill-Istati Membri dwar it-tkomplija tat-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

It-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolament ta' Dublin”) ġie sospiż mill-Istati Membri sa mill-2011, wara żewġ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) (2), li identifikaw nuqqasijiet sistemiċi fis-sistema tal-ażil Griega, li rriżultaw fi ksur tad-drittjiet fundamentali tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali trasferiti minn Stati Membri oħra għall-Greċja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (3).

(2)

Il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ilu jsegwi s-sitwazzjoni fil-Greċja billi s-sentenza M.S.S vs il-Belġju u l-Greċja ngħatat mill-QEDB fl-2011 abbażi ta' rapporti ta' progress li l-Greċja hija mitluba tippreżenta bħala evidenza tal-eżekuzzjoni tas-sentenza u abbażi tal-evidenza minn NGOs u organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR — United Nations High Commissioner for Refugees), li joperaw fil-Greċja. Fuq talba tal-Greċja ppreżentata f'Ġunju 2016, il-Kumitat Ministerjali aċċetta li jipposponi l-proċedura ta' evalwazzjoni abbażi tal-argument li bħalissal-Greċja qiegħda taħt pressjoni migratorja enormi, li s-sitwazzjoni hija eċċezzjonali, instabbli u mhux bħal kif kienet meta ngħatat is-sentenza M.S.S ħames snin ilu.

(3)

B'riżultat tas-sentenza M.S.S, il-Greċja impenjat ruħha li tirriforma s-sistema ta' ażil tagħha abbażi ta' Pjan ta' Azzjoni nazzjonali dwar ir-Riforma tal-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, ippreżentat f'Awwissu 2010 u rivedut f'Jannar 2013 (minn hawn 'il quddiem “il-Pjan ta' Azzjoni Grieg”). Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Greċja ppreżentat Pjan Direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rilokazzjoni u l-approċċ tal-hotspots lill-Kunsill, li jiddeskrivi wkoll fil-qosor ċerti azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet pendenti li dwarhom kien hemm qbil fl-oqsma tal-ażil u l-akkoljenza.

(4)

Fl-istess ħin, il-kriżi attwali tar-refuġjati u l-migrazzjoni tkompli tpoġġi pressjoni fuq is-sistemi Griegi tal-ażil u l-migrazzjoni bħala l-pajjiż ewlieni tal-ewwel dħul mir-rotta tal-Lvant tal-Mediterran. Bejn Jannar u l-4 ta' Diċembru 2016, 171 909 migrant waslu b'mod irregolari fil-Greċja (4). Anke jekk id-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija (5) wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' wasliet ta' kuljum lejn il-Greċja mit-Turkija (6), din fdat ukoll responsabbiltajiet ġodda fuq l-awtoritajiet Griegi. Barra minn hekk, l-għadd medju ta' kuljum ta' wasliet fil-Greċja żdied fil-perjodu mill-bidu ta' Awwissu 2016 meta mqabbel mal-perjodu mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Lulju 2016 (7). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fil-Greċja nbidlet b'mod sinifikanti wara l-għeluq de facto tar-rotta tal-Balkani tal-Punent li jipprevjeni li ċittadini ta' pajjiżi terzi jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. B'riżultat ta' dan, aktar minn 62 000 ċittadin ta' pajjiż terz li waslu b'mod irregolari attwalment jinsabu fil-Greċja (8). Fl-istess ħin, l-iskema ta' rilokazzjoni ta' emerġenza bbażata fuq żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill (9) (minn issa 'l quddiem “Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni”), qed turi xejra pożittiva, b'mod partikolari fil-Greċja fejn it-trasferimenti għal rilokazzjoni żdiedu u attwalment huma ta' 1 000 fix-xahar. Madankollu, jeħtieġ li jsiru aktar sforzi min-naħa tal-Istati Membri kollha biex itaffu l-pressjoni minn fuq il-Greċja. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni qed issejjaħ lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom u jirrilokaw fuq bażi ta' kull xahar biex jitwettqu mill-anqas 2 000 trasferiment għal rilokazzjoni fix-xahar minn Diċembru 2016 u progressivament iżidu r-rilokazzjonijiet kull xahar (10).

(5)

Fl-10 ta' Frar u fil-15 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni indirizzat rispettivament żewġ Rakkomandazzjonijiet lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja minħabba t-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin (11). Dawn ir-Rakkomandazzjonijiet ikkonkludew li s-sitwazzjoni fil-Greċja għadha teħtieġ titjib konsiderevoli qabel ma l-Kummissjoni tkun tista' twettaq valutazzjoni ulterjuri dwar il-possibbiltà li jissoktaw it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin. Fit-28 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni indirizzat it-tielet Rakkomandazzjoni lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti speċifiċi li għandha tieħu l-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin (12) (minn hawn 'il quddiem “it-tielet Rakkomandazzjoni”). It-tielet Rakkomandazzjoni kkonkludiet li l-Greċja għadha tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni diffiċli biex tittratta għadd kbir ta' applikanti ġodda għall-ażil, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ “eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni” u t-tkomplija ta' wasliet ta' migranti irregolari. Barra minn hekk, kellhom jittieħdu passi importanti oħra biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet sistemiċi li fadal fis-sistema ta' ażil Griega, b'mod partikolari minħabba restrizzjonijiet ta' kapaċità. Abbażi tal-progress ulterjuri miksub, meta jerġgħu jibdew it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin, skont it-tielet Rakkomandazzjoni, għandu jitqies l-impatt li din is-sitwazzjoni diffiċli għandha fuq il-funzjonament kumplessiv tas-sistema tal-ażil, u għaldaqstant jenħtieġ li dawn jibdew b'mod gradwali, fuq bażi ta' każ b'każ.

(6)

Permezz ta' ittra bid-data tat-22 ta' Novembru 2016, il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b'aktar informazzjoni dwar l-aħħar sitwazzjoni tal-applikanti għal ażil fil-Greċja u dwar il-progress li għamlet biex tirriforma s-sistema tal-ażil tagħha. Il-Greċja esprimiet ukoll tħassib dwar il-prospett ta' possibilità ta' tkomplija tat-trasferiment skont ir-Regolament ta' Dublin, minħabba l-għadd ta' migranti fil-Greċja, u nnutat piż enormi fuqha li huwa sproporzjonat għad-daqs tagħha u li jirriżulta f'sitwazzjoni fejn il-kapaċitajiet tal-ażil u tal-akkoljenza jilħqu l-limitu tagħhom. Il-Greċja bl-istess mod irreferiet għall-għadd ta' rilokazzjonijiet mill-Greċja għal Stati Membri oħra li għadu sew taħt il-livell previst fid-Deċiżjonijiet dwar ir-Rilokazzjoni. Madankollu, il-Greċja enfasizzat li hija ma għandiex l-għan li teskludi lilha nnifisha b'mod permanenti mis-sistema ta' Dublin u talbet għal solidarjetà ġenwina u appoġġ sakemm is-sitwazzjoni tkun ġiet regolarizzata bis-sħiħ fil-Greċja.

(7)

Skont id-dejta Griega tat-22 ta' Novembru 2016, mill-1 ta' Jannar 2016 ġew ippreżentati madwar 39 000 applikazzjoni għall-ażil quddiem is-Servizz ta' Ażil Grieg. Fit-30 ta' Settembru, il-każijiet pendenti li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel istanza kienu aktar minn 17 000. L-awtoritajiet Griegi stmaw li sa tmiem l-2016 se jkun ġie ppreżentat total ta' 50 000 applikazzjoni għall-ażil (13). Minħabba r-regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Greċja u l-aċċess imtejjeb għall-proċedura tal-ażil, fost fatturi oħra, il-volum ta' applikazzjonijiet għall-ażil li s-Servizz tal-Ażil Grieg qed jiffaċċja huwa ogħla b'mod sinifikanti minn tas-snin preċedenti.

(8)

Fl-aħħar Rakkomandazzjonijet tagħha, il-Kummissjoni nnutat it-titjib li għamlet il-Greċja fil-qafas leġiżlattiv tagħha biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet legali l-ġodda tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) (ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil) u partijiet mid-Direttiva 2013/33/UE (15) (ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza) ġew trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Ġiet adottata liġi ġdida (il-Liġi 4375/2016) mill-Parlament Grieg fit-3 ta' April 2016 (16). Fit-22 ta' Ġunju 2016, il-Parlament approva emenda għal-Liġi Nru 4375/2016 li, fost l-oħrajn, timmodifika l-kompożizzjoni tal-Kumitati tal-Appelli u d-dritt ta' dawk li jfittxu ażil għal seduta orali mressqa quddiemhom (17). Fil-31 ta' Awwissu 2016, il-Parlament Grieg adotta wkoll liġi rigward it-tfal refuġjati tal-età tal-iskola residenti fil-Greċja (18).

(9)

Rigward il-kapaċita ta' akkoljenza f'din l-aħħar sena l-Greċja żiedet b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' akkoljenza ġenerali tagħha kemm għall-migranti irregolari kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Skont l-informazzjoni ta' kuljum rilaxxata mill-awtoritajiet Griegi fis-6 ta' Diċembru 2016, hemm 71 539 post disponibbli l-aktar f'faċilitajiet ta' akkoljenza temporanji, inkluż l-akkomodazzjoni pprovduta mill-UNHCR (ara l-Premessa 11), kemm għall-migranti irregolari kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja (19). Madankollu, hemm sfidi serji fir-rigward tal-kapaċità fil-Gżejjer tal-Eġew fejn hemm affollament eċċessiv: il-massimu tal-kapaċità ta' akkoljenza għadu madwar 8 200 filwaqt li l-għadd totali ta' migranti rreġistrati fil-gżejjer kien ta' 16 295 fil-5 ta' Diċembru 2016 (20).

(10)

Il-Greċja żiedet ukoll l-akkomodazzjoni għall-applikanti vulnerabbli, b'mod partikolari għall-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. Fis-17 ta' Novembru 2016 kien hemm 1 191 post disponibbli f'postijiet ta' kenn għal vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati irrispettivament minn jekk humiex persuni li jfittxu ażil jew le. Hemm previst li sa tmiem l-2016 jiġu stabbiliti 130 post ieħor adattati għall-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. Madankollu, il-kapaċità għall-applikanti vulnerabbli għad baqagħlha ħafna biex tkun suffiċjenti billi attwalment il-faċilitajiet huma mimlija u hemm lista ta' stennija għal 1 199 vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati li jeħtieġ li jitqiegħdu f'faċilitajiet xierqa (21). Għaldaqstant, il-progress f'dan il-qasam huwa kajman wisq, u huwa ċar li jeħtieġ li l-Greċja tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ għadd xieraq ta' faċilitajiet ta' akkoljenza għal vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati u tindirizza t-talba għal dan it-tip ta' akkomodazzjoni.

(11)

F'Jannar 2016, ġie ffirmat Ftehim ta' Delega għal total ta' EUR 80 miljun bejn il-Kummissjoni u l-UNHCR sabiex jiġu stabbiliti 20 000 post ta' akkomodazzjoni miftuħa (skemi ta' kiri ta' appartamenti, kupuni għal lukandi u programmi ta' familji ospitanti) primarjament għall-benefiċċju ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jkunu eliġibbli għal rilokazzjoni. Il-Ftehim ta' Delega ġie rivedut f'Lulju 2016 sabiex jinkludi fl-iskema ta' akkomodazzjoni wkoll il-possibbiltà li jiġu stabbiliti postijiet f'siti ta' rilokazzjoni ġestiti mill-UNHCR, u sabiex jagħmilha aktar ċara fit-test li l-grupp fil-mira tal-iskema tal-akkomodazzjoni jinkludi mhux biss kandidati għar-rilokazzjoni iżda anke oħrajn li jfittxu l-ażil, b'mod partikolari kandidati għar-riunifikazzjoni tal-familja skont ir-Regolament ta' Dublin u kategoriji vulnerabbli, inkluż vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati u tfal mifrudin, anzjani, ġenituri singoli, dawk morda b'mod kroniku, nisa tqal, u oħrajn. Minn Settembru, il-postijiet ta' akkomodazzjoni disponibbli żdiedu b'mod sinifikanti (b'madwar 8 100). Il-UNHCR ikkommetta ruħu f'Diċembru 2015 li joħloq 20 000 post għal applikanti eliġibbli għal rilokazzjoni skont l-iskema tal-kiri fis-6 ta' Diċembru 2016, 20 145 post kienu disponibbli, inklużi 6 344 post fil-lukandi/bini sħiħ, 11 711-il post f'appartamenti, 484 post f'familji ospitanti, u 960 f'siti ta' rilokazzjoni u 646 post f'faċilitajiet apposta għal vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati (22). Billi l-Ftehim ta' Delega attwali jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2016, il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet mal-UNHCR għall-estensjoni tal-iskema fl-2017, abbażi ta' valutazzjoni aġġornata tal-ħtiġijiet ta' akkoljenza tal-Greċja.

(12)

F'termini ta' kwalità, il-biċċa l-kbira tal-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-Greċja għad baqgħalhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza 2013/33/UE għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari fuq il-gzejjer u f'ċerti faċilitajiet temporanji tal-Greċja kontinentali. Il-faċilitajiet ta' “hotspots” fil-gżejjer li mhux biss huma ffullati żżejjed iżda għandhom kundizzjonijiet materjali inferjuri f'termini ta' sanità u iġjene, aċċess għal servizzi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli. Is-sigurtà mhijiex biżżejjed, u għad hemm tensjonijiet bejn nazzjonalitajiet differenti. Fil-Greċja kontinentali, filwaqt li l-iskema ta' akkomodazzjoni tal-UNHCR tipprovdi kundizzjonijiet adegwati, ħafna mill-kapaċità ta' akkoljenza li jifdal tikkonsisti f'kampijiet (bħalissa qed jintużaw 53 sit) u faċilitajiet ta' emerġenza bi standards li jvarjaw ħafna u li ta' spiss huma inadegwati, kemm f'termini ta' kundizzjonijiet materjali kif ukoll ta' sigurtà. Uħud minn dawn il-faċilitajiet bdew jitħejjew għax-xitwa iżda l-progress huwa kajman. Minkejja t-titjib, se jkun diffiċli li xi kampijiet jinbidlu f'faċilitajiet ta' akkoljenza permanenti xierqa, u jista' jkun hemm il-ħtieġa li dawn jingħalqu, filwaqt li jiġu kkonsoilidati oħrajn.

(13)

Barra minn hekk, jidher li l-koordinazzjoni ġenerali tal-organizzazzjoni tal-akkoljenza fil-Greċja hija inadegwata, minħabba n-nuqqas ta' qafas legali u sistema ta' monitoraġġ ċari, b'ġestjoni ad hoc ta' ċerti kampijiet mill-Ministeru għall-Migrazzjoni u oħrajn mis-Servizz ta' Akkoljenza u Identifikazzjoni. Għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar liema faċilitajiet għandhom isiru permanenti. Is-Servizz ta' Akkoljenza għadu fil-proċess li jibni l-kapaċità tiegħu.

(14)

Minn dan ta' hawn fuq isegwi li l-Greċja għad trid tagħmel progress fl-istabbiliment ta' kapaċità permanenti ta' akkoljenza miftuħa suffiċjenti, adegwata u ddedikata għal applikanti għall-ażil, u kollha kemm huma jridu jkunu ta' standard xieraq f'konformità mal-acquis tal-UE. Dan għandu jinkludi ġestjoni ċentralizzata tal-faċilitajiet kollha ta' akkoljenza flimkien ma' sistema li kostantement tagħmel monitoraġġ tal-istandards materjali għal dawn il-faċilitajiet u s-servizzi pprovduti fihom. Jenħtieġ li xi faċilitajiet temporanji jsiru permanenti, iżda madankollu għandha tinżamm ukoll kapaċità suffiċjenti f'termini ta' faċilitajiet temporanji biex takkomoda kull nuqqas fil-kapaċità li jirriżulta minn influssi mhux mistennija. Barra minn hekk, kif kien mitlub fit-tielet Rakkomandazzjoni, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jipprovdu dejta aktar preċiża dwar il-kapaċità ta' akkoljenza u valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u aġġornata kontinwament f'termini tal-kapaċità ta' akkoljenza totali u n-natura ta' din il-kapaċità.

(15)

Ġie nnutat titjib sostanzjali rigward l-istabbiliment ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil fir-Rakkomandazzjonijiet preċedenti. Il-liġi tal-Greċja tipprevedi l-istabbiliment ta' Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil fir-reġjuni ta' Attika, Salonka, Traċja, Epiru, it-Tessalija, il-Greċja tal-Punent, Kreta, Lesvos, Chios, Samos, Leros u Rodi (23). B'deċiżjoni tad-Direttur tas-Servizz tal-Ażil huwa wkoll possibbli li jitwaqqfu Unitajiet Awtonomi tal-Ażil sabiex ikopru ż-żieda fil-ħtiġijiet tas-Servizz tal-Ażil. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Greċja fl-ittra bid-data tat-22 ta' Novembru 2016, sa issa saru operazzjonali seba' Uffiċċji Reġjonali fir-reġjuni ta' Attika, Traċja, Salonka, Lesvos, Samos, Rodi u Patras. Barra minn hekk, disa' Unitajiet Awtonomi tal-Ażil huma operazzjonali f'Piraeus, Evros, Xanthi, Leros, Kos, Korintu u Unità ta' Rilokazzjoni f'Alimos. Kif tistipula l-liġi, tliet Uffiċċji Reġjonali għall-Ażil għandhom isiru operattivi fiż-żona ta' Kos, Epirus (Ioannina), Kreta (Heraklio) u Tessalja (Volos).

(16)

Is-Servizz ta' Ażil Grieg jinsab fil-proċess li jżid il-kapaċità tiegħu. Bħalissa, hemm 478 persuna jaħdmu fi ħdan is-Servizz ta' Ażil (24). Din iċ-ċifra tkopri postijiet tas-Servizz Ċentrali kif ukoll Uffiċċji Reġjonali u Unitajiet ta' Ażil stabbiliti. Il-Baġit nazzjonali jkopri 250 kariga, filwaqt li l-bqija huwa ffinanzjat minn sorsi differenti tal-UE u taż-ŻEE. Sa tmiem is-sena huwa previst li l-persunal se jiżdied għal 659. Dan minbarra l-persunal impjegat għal żmien fiss mill-UNHCR kif ukoll il-persunal tal-EASO u l-esperti tal-Istati Membri mibgħuta permezz tal-EASO lis-Servizz tal-Ażil Grieg għal perjodu fiss. L-intenzjoni tal-awtoritajiet Griegi hija li jissostitwixxu l-persunal kuntrattwali kollu b'persunal permanenti sa tmiem l-2017 u li ma jkomplux iżidu l-kapaċità; is-Servizz tal-Ażil Grieg ġibed l-attenzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni li espansjoni aktar rapida tal-persunal mhijiex fattibbli minħabba n-nuqqas ta' persunal ta' livell għoli biex iħarreġ, jiggwida u jissorvelja lill-persunal ġdid reklutat. Billi s-Servizz tal-Ażil se jkun ittripla fid-daqs tiegħu matul l-2016, huwa indika li jeħtieġ li jikkonsolida, speċjalment biex jibni maniġment intermedju u kompetenza tal-persunal.

(17)

Minħabba l-livell taż-żieda fl-għadd ta' applikazzjonijiet għal ażil fil-Greċja, għadu mhuwiex ċar jekk il-livelli attwali u ppjanati tal-persunal għas-Servizz tal-Ażil humiex biżżejjed għal dak li huwa meħtieġ biex jiġi pproċessat l-volum attwali u dak futur probabbli f'waqtu u b'mod xieraq. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tas-Servizz tal-Ażil għandu jkun li jitnaqqas iż-żmien li jgħaddi bejn meta persuna tagħmel u meta tippreżenta applikazzjoni li bħalissa ta' spiss huwa twil wisq, b'impatt fuq id-drittijiet li jgawdu minnhom il-persuni kkonċernati u li jikkawżaw frustrazzjoni fost dawk affettwati. Jenħtieġ li ż-żmien jitnaqqas skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32/UE li tirrikjedi li persuna li tkun għamlet applikazzjoni għall-ażil tingħatha opportunità effettiva biex tippreżenta applikazzjoni “malajr kemm jista' jkun”. Huwa essenzjali wkoll li, ladarba tiġi ppreżentata, l-applikazzjoni tiġi pproċessata fl-iskadenzi stabbiliti fid-Direttiva, u għalhekk normalment fi żmien sitt (6) xhur. L-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-ażil ippreżentata bħalissa jieħu mill-inqas diversi xhur, ħlief f'każijiet ta' rilokazzjoni li jiġu pproċessati aktar malajr, u hemm inċertezza konsiderevoli dwar kemm l-għadd attwali ta' applikazzjonijiet se jkunu approvati malajr. Madankollu, il-Kummissjoni tieħu nota tat-tħassib espress mill-Greċja fl-ittra bid-data tat-22 ta' Novembru 2016 li skontha żieda aktar rapida tal-persunal tas-Servizz tal-Ażil thedded li taffettwa l-koerenza u l-kwalità tad-deċiżjonijiet.

(18)

Jeħtieġ li jiġi vvalutat b'mod urġenti jekk iż-żieda fir-riżorsi umani tas-Servizz tal-Ażil sa issa hijiex biżżejjed, u jiġi vvalutat ukoll kif il-Kummissjoni, l-Aġenziji rilevanti tal-UE u l-Istati Membri jistgħu jgħinu bl-aħjar mod lill-Greċja sabiex tlaħħaq ma' dawn l-applikazzjonijiet f'limitu ta' żmien iqsar. Jenħtieġ li ssir valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u aġġornata kontinwament li tqis l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-ażil li bħalissa huma pendenti u li x'aktarx jiġu pproċessati mis-Servizz tal-Ażil Grieg f'waqt wieħed u l-għadd ta' persunal disponibbli meħtieġ jew x'aktarx li jkun meħtieġ biex jiġu pproċessati dawk l-applikazzjonijiet. Dan il-persunal jista' jkun jinkludi riżorsi addizzjonali li għandhom jiġu pprovduti mill-Greċja stess u permezz tal-mobilizzazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri fil-forma ta' tim ta' appoġġ tal-EASO. Filwaqt li tinżamm il-kwalità, jenħtieġ li jiġi esplorat kif il-metodi ta' ħidma jiġu razzjonalizzati u jsiru aktar effiċjenti biex jitħaffu l-intervisti u l-proċeduri, bl-appoġġ tal-EASO fejn xieraq.

(19)

L-applikanti għal ażil irid ikollhom aċċess effettiv għal rimedju kontra deċiżjoni negattiva dwar it-talba tagħhom. Sar progress importanti f'dan ir-rigward. L-Awtorità tal-Appelli u l-Kumitati tal-Appelli ġew stabbiliti bil-Liġi 4375/2016 adottata f'April 2016. Il-Liġi 4399/2016 li ġiet adottata f'Ġunju 2016 tistabbilixxi Kumitati tal-Appelli ġodda. Huma responsabbli biex jeżaminaw l-appelli kollha kontra deċiżjonijiet tas-Servizz tal-Ażil Grieg ippreżentati mill-20 ta' Lulju 2016 'il quddiem. Bħala prijorità, il-Kumitati tal-Appelli jiffukaw primarjament fuq każijiet imressqa fil-gżejjer Griegi, sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Bħalissa hemm sitta minnhom. Fil-21 ta' Lulju ġie stabbilit ukoll Kumitat tal-Appelli bħala alternattiva għal dawk permanenti (25). Sabiex tlaħħaq maż-żieda fil-volum ta' kawżi li qed jiżdied u l-ġestjoni ta' każijiet pendenti, il-Greċja beħsiebha tistabbilixxi seba' kumitati oħra li mistennija li jkunu operazzjonali sal-aħħar ta' Diċembru 2016 u ġġib it-total għal 20 sal-aħħar ta' Frar 2017.

(20)

Il-Liġi Nru 4399/2016 emendat ukoll l-istruttura ta' dawn il-Kumitati li issa huma magħmula minn tliet membri: żewġ imħallfin tal-Qorti Amministrattiva u ċittadin Grieg wieħed bi sfond u esperjenza rilevanti li se jkunu ppreżentati mill-UNHCR jew il-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem.

(21)

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fl-ittra bid-data tat-22 ta' Novembru 2016, mill-21 ta' Lulju 2016, tressqu 2 347 appell quddiem il-Kumitati tal-Appelli iżda nqatgħu 573 deċiżjoni biss.

(22)

Il-Kumitati tal-Appelli “Pendenti” li ġew stabbiliti sabiex jinstemgħu l-appelli għall-ażil pendenti mill-Greċja fil-bidu kienu mogħtija mandat addizzjonali biex jisimgħu, minbarra dawk l-appelli sostantivi bbażati fuq deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, l-appelli kontra deċiżjonijiet ibbażati fuq raġunijiet ta' ammissibilità bħala parti mid-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Griegi fit-22 ta' Novembru 2016, aktar minn 2 000 appell li ġew ippreżentati bejn April u l-20 ta' Lulju 2016 tressqu quddiem il-Kumitati tal-Appelli Pendenti. L-istabbiliment ta' Kumitati tal-Appelli Ġdid fl-24 ta' Ġunju 2016 (26) naqqas il-piż minn fuq l-20 Kumitat tal-Appelli “Pendenti” u ppermettewlhom li jħaffu l-pass tal-proċedimenti tal-kawżi ta' appelli pendenti.

(23)

Sar aktar progress dwar it-talbiet pendenti fit-tul ta' appelli skont il-“proċedura l-antika” rregolata mid-Digriet Presidenzjali 114/2010. It-talbiet pendenti bħalissa jammontaw għal madwar 6 589 każ fit-22 ta' Novembru 2016 (minn total ta' madwar 51 000 każ li ġew ikkunsidrati bħala parti mit-talbiet pendenti fil-bidu tal-2013 u madwar 8 075 każ f'Settembru 2016). Skont il-Liġi Griega 4375/2016, l-awtoritajiet Griegi taw permessi għal skopijiet umanitarji lil persuni li l-applikazzjoni tagħhom għall-ażil kienet ilha pendenti għal żmien konsiderevoli u li kienu eliġibbli li jiksbu permessi ta' residenza fuq bażi umanitarja jew raġunijiet eċċezzjonali oħra. Il-permessi ta' residenza jinħarġu għal perjodu ta' sentejn u jistgħu jiġġeddu (27). Dawn jipprovdu lill-benefiċjarji l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jingħataw status ta' protezzjoni sussidjarja fil-Greċja, (28) u dawn il-persuni ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala applikanti għall-ażil. Madankollu, uħud mill-appelli pendenti jiġu eżaminati fis-sustanza tagħhom. Minkejja l-progress sinifikanti li għamlet il-Greċja mir-Rakkomandazzjonijiet preċedenti, għandha tkompli tagħmel sforzi biex tittratta l-appelli ta' talbiet pendenti f'dan ir-rigward, u tiżgura li l-applikanti b'appell pendenti jkollhom l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

(24)

Minħabba ż-żieda sinifikanti fl-għadd ta' applikazzjonijiet li saru fil-Greċja sa mill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, Awtorità tal-Appelli b'persunal sħiħ, li tkun kapaċi tittratta żieda sinifikanti mistennija fl-għadd ta' appelli, hija iktar u iktar essenzjali. Filwaqt li tinżamm il-kwalità u bla ħsara għall-indipendenza tal-membri tal-kumitat, jenħtieġ li tiżdied l-effiċjenza tal-kumitati. Dan jista' jinkludi b'mod partikolari laqgħat aktar ta' spiss għall-Kumitati tal-Appelli, l-użu ta' assistenza legali fit-tfassil ta' deċiżjonijiet u l-ispeċjalizzazzjoni tal-kumitati kif ukoll l-involviment full-time tal-membri. Jenħtieġ li jkun involut aktar persunal ta' appoġġ (29). Jenħtieġ ukoll li titwettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet kontinwa abbażi tal-għadd ta' appelli li bħalissa huma pendenti quddiem id-diversi korpi ta' appell u li x'aktarx ikunu qed jieħdu ħsieb tagħhom bil-ħsieb li jivvalutaw jekk l-għadd ta' kumitati huwiex biżżejjed u jekk il-metodi ta' ħidma humiex xierqa.

(25)

Fil-liġi l-ġdida (il-Liġi 4375/2016) ġie inkluż l-għoti ta' għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti fl-istadju tal-appell. Madankollu, il-miżuri kollha li jimplimentaw din il-liġi fil-prattika għadhom ma ttiħdux. Fid-9 ta' Settembru 2016 ġiet adottata Deċiżjoni Ministerjali li timplimenta l-għoti ta' għajnuna legali skont il-Liġi 4375/2016. Il-finanzjament għall-implimentazzjoni ta' assistenza legali bla ħlas kien garantit permezz tal-programmi nazzjonali tagħhom skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF — Asylum, Migration and Integration Fund). Barra minn hekk, ingħata ftehim ta' għotja lill-UNHCR skont is-sistema ta' finanzjament għal għajnuna ta' emerġenza AMIF għall-ammont totali ta' EUR 30 miljun (30). Fost affarijiet oħra, dan il-finanzjament qed jintuża mill-UNHCR biex jipprovdi għajnuna legali bla ħlas lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fi stadju ta' appell sal-bidu tal-2017, sa liema żmien l-awtoritajiet Griegi se jkunu mistennija li jimplimentaw l-iskema tagħhom ta' għajnuna legali bla ħlas. Qed jiġu implimentati żewġ proġetti bi sħubija mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (Metaction u l-Kunsill Grieg għar-Refuġjati): wieħed fil-gżejjer, b'kopertura sħiħa tal-appelli kollha u l-ieħor fil-Greċja kontinentali, b'kopertura parzjali biss, għal appelli ppreżentati f'Ateni u Salonka, u mhux għal applikanti għal ażil li jinsabu f'detenzjoni. Fid-19 ta' Settembru, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni li r-roster tal-avukati li għandu jinżamm mis-Servizz tal-Ażil se jiġi stabbilit sal-bidu tal-2017. Jenħtieġ li l-Greċja tieħu l-passi meħtieġa biex mingħajr dewmien tiggarantixxi d-dritt għall-għajnuna legali bla ħlas għall-applikanti għal ażil li jippreżentaw appelli.

(26)

Għad hemm tħassib serju dwar il-protezzjoni tal-applikanti vulnerabbli, inkluż il-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta' sistema ta' tutela li tiffunzjona sew, nuqqasijiet f'termini ta' akkomodazzjoni xierqa u tħassib ġenerali rigward is-sigurtà tagħhom. Il-Liġi l-ġdida 4375/2016 tipprevedi Direttorat ġdid għall-Akkoljenza u Direttorat għall-Integrazzjoni Soċjali li t-tnejn li huma jinkludu dipartimenti speċjalizzati għall-akkoljenza u l-integrazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u r-Rikostruzzjoni Amministrattiva, inkluż il-provvediment ta' rappreżentant legali. Minkejja dan, l-awtoritajiet Griegi għad iridu jadottaw miżuri ta' implimentazzjoni biex jiżguraw li l-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati jingħataw fil-prattika garanziji proċedurali xierqa u kundizzjonijiet ta' akkoljenza. Għad irid jiġi adottat qafas leġiżlattiv ieħor li għandu jinkludi dispożizzjonijiet għal sistema ta' tutela effiċjenti. L-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-Ministeru tax-Xogħol u tas-Solidarjetà Soċjali (MoL), li huwa responsabbli mill-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, qed iħejji liġi ġdida dwar it-tutela li għandha tkun lesta qabel tmiem l-2016. Fi ħdan din il-liġi jiġi stabbilit servizz speċjali, possibbilment dipartiment, għas-sistema ta' tutela. Filwaqt li l-gvern Grieg diġà adotta Deċiżjoni Ministerjali dwar il-kalkolu tal-età ta' vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati li qed ifittxu ażil, (31) għadu qed jiġi rrappurtat tħassib dwar l-implimentazzjoni tal-kalkolu fil-prattika minħabba nuqqas ta' identifikazzjoni u n-nuqqas ta' rimedju legali rigward il-kalkolu tal-età mwettaq mill-pulizija.

(27)

Sar progress sinifikanti fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni. Il-Liġi 4415/2016 f'Awwissu 2016 għandha l-għan, fost l-oħrajn, li tiżgura appoġġ psikosoċjali u edukazzjoni għat-tfal ta' dawk li jfittxu l-ażil, kif ukoll integrazzjoni bla xkiel fis-sistema edukattiva Griega ta' dawk li se jibqgħu fil-Greċja, wara perjodu tranżitorju ta' tħejjija. Minkejja reżistenza lokali, l-awtoritajiet Griegi qed jieħdu miżuri sinifikanti biex jimplimentaw dan il-qafas legali b'mod sħiħ u effettiv.

(28)

Skont diversi partijiet interessati, is-sitwazzjoni għall-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati għadha ġeneralment prekarja, u hemm tħassib serju dwar is-sigurtà tagħhom fil-faċilitajiet ta' akkoljenza fil-Greċja kontinentali u fil-gżejjer, u b'xi wħud jindikaw li t-tfal għadhom jinżammu f'detenzjoni, jew f'“żoni protetti” f'faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa, għal perjodi twal f'kundizzjonijiet iffullati u mhux iġeniċi mingħajr rappreżentanti jew aċċess għal għajnuna legali, sakemm tinstab akkomodazzjoni adatta għalihom (32). Kif iddikjarat fil-Premessa 10, in-nuqqas ta' akkomodazzjoni xierqa għat-tfal hija problema importanti li għad trid tiġi rimedjata b'mod urġenti.

(29)

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet finanzjament sostanzjali lill-Greċja biex tappoġġa lill-pajjiż fl-isforzi tiegħu biex is-sistema tal-ġestjoni tal-ażil tkun skont l-istandards tal-UE. Sa mill-bidu tal-2015, ingħataw iktar minn EUR 352 miljun f'assistenza ta' emerġenza permezz ta' Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF)) lill-Greċja, jew direttament lill-awtoritajiet Griegi inkella permezz ta' Aġenziji tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali li joperaw fil-Greċja. Minn dan l-ammont, madwar EUR 90 miljun ġew mogħtija direttament mill-awtoritajiet Griegi f'Lulju 2016 biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom biex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u biex jipprovdu servizzi tal-kura tas-saħħa primarja f'ċentri ta' akkomodazzjoni għar-refuġjati, kif ukoll li jagħtu akkoljenza u servizzi tal-kura tas-saħħa lill-migranti. Permezz tal-Istrument ta' Appoġġ ta' Emerġenza li nħoloq dan l-aħħar, organizzazzjonijiet umanitarji sħab qed jingħataw ukoll finanzjament sostanzjali (madwar EUR 198 miljun) bil-għan li jkopri l-ħtiġijiet umanitarji bażiċi tal-migranti u tar-refuġjati. Dan il-finanzjament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' reazzjoni għal emerġenzi żviluppat flimkien mill-Kummissjoni, mill-awtoritajiet Griegi u/jew mill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja fil-post u/jew tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija.

(30)

Din l-assistenza ta' emerġenza hija apparti l-EUR 509 miljun allokati lill-Greċja għall-perjodu mill-2014 sal-2020 permezz tal-programmi nazzjonali tagħha skont il-Fondi AMIF u FSI, biex b'hekk il-Greċja tkun l-ewwel benefiċjarju ta' fondi tal-Affarijiet Interni tal-UE fost l-Istati Membri tal-UE.

(31)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li dawn ir-riżorsi finanzjarji jintużaw b'mod sħiħ bl-aktar mod effiċjenti u effettiv u mingħajr aktar dewmien. Għal dan l-għan, il-programmi nazzjonali tal-Greċja taħt il-Fondi tal-Affarijiet Interni (AMIF, FSI) qed jiġu riveduti sabiex jiġu aġġustati mal-prijoritajiet il-ġodda. Ir-reviżjoni tal-programm nazzjonali tal-AMIF tlestiet, filwaqt li r-reviżjoni tal-programm nazzjonali tal-FSI waslet fl-istadji finali u għandha titlesta dalwaqt. Barra minn hekk, għalkemm il-ħatra formali tal-Awtorità Responsabbli l-ġdida tlestiet, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-bażi legali, il-proċeduri u l-miżuri operazzjonali xorta għadhom iridu jiġu ssimplifikati biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet Griegi jibdew jimmobilizzaw bis-sħiħ il-fondi disponibbli skont il-programmi nazzjonali sabiex jilqgħu għal ħtiġijiet urġenti b'mod speċjali fil-qasam tal-akkoljenza u servizzi oħra ta' migranti preżenti fil-pajjiż.

(32)

Kif ġie rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2016 dwar “Lura lejn Schengen”, (33) l-iżgurar ta' sistema ta' Dublin li tiffunzjona bis-sħiħ huwa element indispensabbli tal-isforzi usa' meħtieġa biex il-politika tal-ażil, il-migrazzjoni u l-fruntieri tiġi stabilizzata. Dawn l-isforzi biex jiġi normalizzat il-funzjonament tas-sistema ta' Dublin għandhom, min-naħa tagħhom, iwasslu biex iż-żona Schengen terġa' tibda topera b'mod normali. L-inċentiv biex applikanti għal ażil li jaslu b'mod irregolari fil-Greċja jibqgħu sejrin lejn Stati Membri oħrajn, li nħoloq mill-2011 bis-sospensjoni tat-trasferimenti, skont ir-Regolament ta' Dublin, lejn il-Greċja, huwa wieħed mill-fatturi li jwassal għall-movimenti sekondarji li qegħdin ixekklu l-funzjonament xieraq tas-sistema ta' Schengen. Għalhekk huwa importanti li l-Greċja tieħu b'urġenza l-azzjonijiet pendenti identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni. Fl-istess ħin, ir-riforma tar-regoli ta' Dublin kif proposta mill-Kummissjoni, (34) ibbażata fuq l-objettiv ta' solidarjetà u t-tqassim ġust tal-piż bejn l-Istati Membri, għandha tkun prijorità. In-negozjati fuq din il-proposta għadhom għaddejjin.

(33)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-progress importanti li sar mill-Greċja, megħjuna mill-Kummissjoni, l-EASO, l-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, sabiex jitjieb il-funzjonament tas-sistema tal-ażil Griega wara s-sentenza M.S.S fl-2011. Madankollu, il-Greċja għadha qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni diffiċli biex tittratta għadd kbir ta' applikanti għall-ażil ġodda, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni, it-tkomplija ta' wasliet ta' migranti irregolari, minkejja li f'livelli aktar baxxi milli kien qabel Marzu 2016 u, mir-responsabbiltajiet tagħha taħt l-implimentazzjoni ta-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Barra minn hekk, hemm aktar passi importanti li għandhom jittieħdu biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet li fadal fis-sistema ta' ażil Griega, b'mod partikolari fir-rigward tal-kwalità tal-faċilitajiet ta' akkoljenza, it-trattament ta' applikanti vulnerabbli u l-ħeffa li bihom l-applikazzjonijiet għall-ażil jiġu rreġistrati, ippreżentati u eżaminati fiż-żewġ istanzi. Sabiex jitqies l-impatt ta' din is-sitwazzjoni diffiċli dwar il-funzjonament ġenerali tas-sistema tal-ażil u sabiex jiġi evitat li jitpoġġa piż insostenibbli fuq il-Greċja, għadu mhuwiex possibbli li tiġi rakkomandata tkomplija sħiħa tat-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin lejn il-Greċja, għalkemm dan jibqa' l-għan aħħari.

(34)

Madankollu, il-Greċja għamlet progress sinifikanti fl-istabbiliment ta' strutturi istituzzjonali u legali essenzjali għal sistema ta' ażil li tiffunzjona sew, u hemm prospetti tajbin biex fil-futur qarib titpoġġa fis-seħħ sistema ta' ażil li tiffunzjona bis-sħiħ, ladarba jiġu rimedjati n-nuqqasijiet kollha li għad baqa', b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u t-trattament ta' persuni vulnerabbli, inkluż il-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi rakkomandat li t-trasferimenti jerġgħu jibdew gradwalment u abbażi ta' garanziji individwali, filwaqt li jitqiesu l-kapaċitajiet ta' akkoljenza u t-trattament tal-applikazzjonijiet skont il-leġiżlazzjonijiet rilevanti tal-UE, u filwaqt li jitqies it-trattament attwalment inadegwat ta' ċerti kategoriji ta' persuni, b'mod partikolari applikanti vulnerabbli, inkluż vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. Barra minn hekk, jenħtieġ li t-tkomplija ma tiġix applikata b'mod retroattiv iżda tikkonċerna lill-applikanti għall-ażil li l-Greċja hija responsabbli għalihom b'data speċifika ta' bidu sabiex jiġi evitat li jitpoġġa piż insostenibbli fuq il-Greċja. Għandu jiġi rrakkomandat li din id-data tiġi stabbilita fil-15 ta' Marzu 2017.

(35)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi l-miżuri li jeħtieġ li jittieħdu jew jiġu sostnuti mill-awtoritajiet Griegi bil-ħsieb li jerġgħu jinbdew it-trasferimenti skont ir-Regolament ta' Dublin rigward l-applikanti għall-ażil li daħlu l-Greċja b'mod irregolari fil-fruntieri esterni mill-15 ta' Marzu 2017 'il quddiem, jew li l-Greċja hija responsabbli għalihom skont il-kriterji apparti l-Artikolu 13 fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 minn dik id-data. Bil-ħsieb ta' dan l-objettiv, jenħtieġ li l-Greċja tieħu l-passi kollha stipulati f'din ir-Rakkomandazzjoni b'mod urġenti. Skont il-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, jenħtieġ li l-Istati Membri l-oħrajn jikkontribwixxu wkoll biex jintlaħaq dan l-objettiv, b'mod partikolari billi jibagħtu esperti biex jassistu lill-awtoritajiet Griegi b'reazzjoni għad-diversi talbiet tal-EASO kif ukoll billi jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi ta' rilokazzjoni tagħhom li jirriżultaw mid-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni.

(36)

Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi wkoll il-modalitajiet għat-tkomplija tat-trasferimenti li jenħtieġ li jinkludu kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet Griegi u l-awtoritajiet tal-Istat Membru trasferenti f'każijiet individwali ta' trasferiment, abbażi tal-obbligu ta' kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, inkluż biex jiġi żgurat li l-persuna tkun se tiġi akkomodata kif xieraq skont l-istandards stabbiliti fid-Direttiva 2013/33/UE u li t-talba tagħha tiġi pproċessata skont id-Direttiva 2013/32/UE. Dan se jkun jeħtieġ li l-Greċja tipprovdi assigurazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' kull individwu li għandu jiġi ttrasferit rigward il-mod li bih hu se jiġi ttrattat. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' appoġġ u rapportar li jikkonsisti f'tim tal-EASO ta' esperti mill-Istati Membri li jassisti fl-iżgurar li dawn l-istandards jiġu applikati fil-prattika fir-rigward tal-persuni ttrasferiti.

(37)

Rappurtar regulari mill-Greċja dwar il-progress li qed isir fl-implimentazzjoni ta' dawn l-azzjonijiet huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li il-Greċja tipprovdi l-ewwel rapport sal-15 ta' Frar 2017 kif stipulat f'din ir-Rakkomandazzjoni li għandu jinkludi b'mod partikolari deskrizzjoni ta' kif l-awtoritajiet Griegi qed ipoġġu fis-seħħ il-proċedura għall-għoti ta' garanziji f'każijiet individwali ta' trasferiment fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Minn dak iż-żmien 'il quddiem, il-Greċja għandha tirrapporta kull xahrejn dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

(38)

Fuq il-bażi ta' dawn ir-rapporti u kull informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħha jew żviluppi oħrajn, il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni u taġġorna, fejn meħtieġ, ir-Rakkomandazzjonijiet stabbiliti fiha.

(39)

Ir-responsabbiltà ta' teħid ta' deċiżjoni dwar it-tkomplija tat-trasferimenti f'każijiet individwali taqa' esklussivament f'idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri taħt il-kontroll tal-qrati, li jistgħu jagħmlu referenzi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament ta' Dublin.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

I.   MIŻURI BIEX TISSAĦĦAĦ IS-SISTEMA TAL-AŻIL GRIEGA

Kundizzjonijiet ta' akkoljenza u faċilitajiet

(1)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli fl-isforzi tagħha biex tiżgura li l-faċilitajiet ta' akkoljenza jkunu suffiċjenti biex jintlaqgħu l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali fit-territorju tagħha u li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza f'dawn il-faċilitajiet ta' akkoljenza jkunu jissodisfaw l-istandards stabbiliti fil-leġilazzjoni tal-Unjoni. Bħala prijorità għolja, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

tiżgura li għandha għadd suffiċjenti ta' faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa fis-seħħ li jistgħu jakkomodaw lill-applikanti kollha għall-protezzjoni internazzjonali li tirċievi jew li huwa probabbli li tirċievi, u d-dipendenti tagħhom, sakemm idum il-proċess tal-ażil;

(b)

tiżgura li dawn il-faċilitajiet kollha jissodisfaw mill-inqas l-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva 2013/33/UE dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza, inkluż għall-applikanti vulnerabbli u inkluż fil-perjodu tax-xitwa;

(c)

tiddeċiedi mingħajr dewmien dwar liema faċilitajiet fil-Greċja kontinentali għandu jitjieb l-istandard tagħhom u liema għandhom jingħalqu;

(d)

tiddeċiedi mingħajr dewmien dwar kif għandha tiżdied il-kapaċità ta' akkoljenza fil-gżejjer;

(e)

toħloq post ta' akkomodazzjoni addizzjonali għall-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, sabiex tiżgura li l-minorenni kollha mhux akkumpanjati li jfittxu l-ażil jitpoġġew immedjatament f'akkomodazzjoni xierqa u ma jinżammux f'kundizzjonijiet substandard jew f'detenzjoni, u jiġi żgurat li dawn il-faċilitajiet ikunu sostnuti;

(f)

tiżgura li l-applikanti jirċievu l-kura tas-saħħa meħtieġa, li tinkludi, mill-inqas, kura ta' emerġenza u trattament essenzjali ta' mard u ta' disturbi mentali serji;

(g)

tiżgura ġestjoni u koordinazzjoni effikaċi u kontinwa tal-faċilitajiet ta' akkoljenza kollha, flimkien ma' sistema għal monitoraġġ kostanti tal-istandards materjali għal dawk il-faċilitajiet u s-servizzi pprovduti fihom, inkluż il-hotspots, u tiżgura li l-awtoritajiet responsabbli jkollhom riżorsi adegwati għal dan l-għan.

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura wkoll li, minbarra faċilitajiet permanenti, għadd xieraq ta' kapaċitajiet ta' akkoljenza miftuħa jinżammu disponibbli, jew li jistgħu jsiru disponibbli bi preavviż qasir, biex jakkomodaw influssi mhux mistennija ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u d-dipendenti tagħhom f'kundizzjonijiet adegwati.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jwettqu valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva skont il-kapaċità ta' akkoljenza totali meħtieġa, u n-natura ta' dik il-kapaċità, u jaġġornaw kontinwament din il-valutazzjoni fid-dawl ta' żviluppi ġodda.

Aċċess għall-proċedura ta' ażil tal-ewwel istanza u riżorsi għaliha

(2)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli fl-isforzi tagħha biex tżgura li l-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess effettiv għall-proċedura tal-ażil b'mod partikolari billi:

(a)

tivvaluta jekk l-għadd ta' persunal fis-Servizz tal-Ażil huwiex xieraq biex jipproċessa t-teħid ta' applikazzjonijiet għall-ażil fi ħdan l-iskadenza ta' sitt xhur speċifikat fid-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil 2013/32/UE;

(b)

abbażi ta' din il-valutazzjoni, tiżgura r-reklutaġġ ta' kwalunkwe persunal addizzjonali meħtieġ għas-servizz tal-Ażil sabiex ikun jista', malajr kemm jista' jkun, jittratta b'mod effiċjenti u f'waqtu l-applikazzjoni kollha għal protezzjoni internazzjonali, u/jew jidentifika persunal addizzjonali, inkluż kemm assistenti għall-każ kif ukoll interpreti li jistgħu jintbagħtu mill-Istati Membri permezz ta' timijiet ta' appoġġ tal-EASO;

(c)

tistabbilixxi Uffiċju jew Unitajiet Reġjonali tal-Ażil addizzjonali skont il-ħtiġiet globali madwar it-territorju tal-Greċja;

(d)

tħaffef l-intervisti u l-proċeduri filwaqt li żżomm l-istandards meħtieġa, bl-appoġġ tal-EASO meta dan ikun xieraq, anke billi tintroduċi għodod għall-intervisti u ta' appoġġ;

(e)

tnaqqas il-perjodu ta' żmien bejn l-espressjoni ta' interess għall-applikazzjoni għall-ażil u l-preżentazzjoni attwali tal-applikazzjoni għall-ażil, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2013/32/UE dwar il-Proċeduri tal-Ażil.

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet imsemmija fil-punt (a) tiġi aġġornata kontinwament u jkun fiha tagħrif dwar l-għadd ta' persunal impjegat;

L-Awtorità tal-Appelli

(3)

Jenħtieġ li l-Greċja tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li jkun disponibbli rimedju effettiv għall-applikanti kollha għal protezzjoni internazzjonali, b'mod partikolari billi tiżgura:

(a)

il-funzjonament sħiħ tal-Awtorità tal-Appelli l-ġdida billi tistabbilixxi l-20 Kumitat tal-Appelli ppjanati sal-aħħar ta' Frar 2017, u billi żżid dan in-numru skont kif meħtieġ, abbażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet imsemmija hawn taħt;

(b)

ir-riżorsi umani adegwati għall-Awtorità tal-Appelli u l-Kumitati, inkluż il-persunal ta' appoġġ, sabiex ikunu jistgħu jittrattaw l-appelli pendenti kollha u dawk li x'aktarx ikun hemm fil-ġejjieni, inklużi l-appelli fi ħdan il-qafas tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija;

(c)

il-konklużjoni tat-talbiet kollha pendenti għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi li bħalissa huma pendenti mill-aktar fis possibbli;

(d)

iż-żieda fl-għadd ta' deċiżjonijiet għal kull kumitat, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' skedar ta' laqgħat aktar spissi, l-użu ta' assistenza legali fit-tfassil tad-deċiżjonijiet, l-ispeċjalizzazzjoni tal-kumitati u permezz ta' impenn full-time tal-membri tal-Kumitat, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tagħhom;

(e)

taħriġ suffiċjenti għall-membri tal-Kumitat tal-Appelli, inkluż bl-appoġġ tal-EASO meta jkun xieraq.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet Griegi jidentifikaw, abbażi ta' valutazzjoni tal-ħtiġijiet sħiħa u kontinwa, l-għadd ta' Kumitati tal-Appelli skont l-Awtorità tal-Appelli l-ġdida li huma meħtieġa biex jiġu eżaminati l-appelli kollha ppreżentati minn applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-għadd ta' riżorsi umani biex dawk il-Kumitati jkomplu joperaw mingħajr tfixkil u kull miżura oħra, bħal tibdil fil-metodi ta' ħidma, li tista' tkun meħtieġa. Dan għandu jinkludi b'mod partikolari valutazzjoni ta' jekk l-20 Kumitat tal-Appelli li għandhom jiġu stabbiliti sal-aħħar ta' Frar 2017 humiex biżżejjed.

Għajnuna legali

(4)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li l-qafas legali li jirrigwarda l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas ikun effettiv fil-prattika u li l-applikanti kollha għall-ażil jingħataw l-għajnuna legali meħtieġa għal rieżami ġudizzjarju ta' deċiżjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

timplimenta b'mod effettiv id-Deċiżjoni Ministerjali għall-għoti ta' servizzi ta' għajnuna legali bla ħlas mill-aktar fis possibbli;

(b)

tistabbilixxi malajr kuntratt għal reġistru permanenti ta' avukati li jistgħu jipprovdu dawn is-servizzi lill-applikanti kollha fl-istadju tal-appell fil-Greċja. Sadanittant, jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li ż-żewġ proġetti li qed jiġu implimentati fil-Greċja kontinentali u fil-gżejjer jipprovdu assistenza legali bla ħlas lill-appellanti kollha għal ażil.

Trattament ta' vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati u persuni vulnerabbli matul il-proċedura tal-ażil

(5)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura t-twaqqif ta' strutturi xierqa, u tieħu l-miżuri xierqa, biex tidentifika u titratta lill-applikanti vulnerabbli, inklużi l-vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Greċja:

(a)

tpoġġi fis-seħħ b'urġenza proċedura ta' tutela xierqa billi tadotta l-qafas leġiżlattiv meħtieġ għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi 4375/2016;

(b)

tistabbilixxi u tirrekluta l-persunal neċessarju għad-Direttorat għall-Akkoljenza u d-Dipartiment għall-protezzjoni ta' vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati sabiex jingħataw b'urġenza l-garanziji meħtieġa skont id-dritt għall-ażil għal traċċar tal-familja, u rappreżentanza legali;

(c)

tiżgura li l-proċeduri biex jiġu identifikati applikanti bi bżonnijiet proċedurali u ta' akkoljenza speċjali, inkluż vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, jiġu implimentati fil-prattika, sabiex dawn l-applikanti jiġu pprovduti bl-appoġġ psikosoċjali meħtieġ, partikolarment fil-każ li setgħu kienu vittmi ta' vjolenza sesswali u ta' sfruttar jew traffikar, u li jitqiesu kif xieraq l-aħjar interessi tat-tfal.

Użu ta' finanzjament mill-UE skont il-programmi nazzjonali

(6)

Jenħtieġ li l-Greċja tiżgura li l-finanzjament sostanzjali mill-UE pprovdut jintuża kollu, partikolarment billi mingħajr aktar dewmien jiġu mobilizzati r-riżorsi disponibbli skont il-programmi nazzjonali tal-AMIF u l-FSI u jiġi studjat finanzjament kumplimentari mill-Fondi Strutturali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-Greċja tieħu l-miżuri meħtieġa biex timmobilizza bis-sħiħ il-fondi disponibbli skont il-programmi nazzjonali sabiex tilqa' għal ħtiġijiet urġenti speċjalment fil-qasam tal-akkoljenza u servizzi oħrajn għall-migranti fil-Greċja, b'mod partikolari billi ttejjeb il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti, issaħħaħ il-kapaċità operazzjonali u ttejjeb il-mekkaniżmu tat-twassil.

Assistenza teknika minn Stati Membri oħrajn

(7)

L-Istati Membri huma mitluba jipprovdu appoġġ addizzjonali lill-Greċja billi jinnominaw esperti biex jirrispondu għal diversi talbiet tal-EASO, billi jiżguraw mobilizzazzjoni aktar fit-tul u billi jidentifikaw profili ta' livell ogħla u speċjalizzati.

II.   MODALITAJIET GĦAT-TKOMPLIJA TAT-TRASFERIMENTI

(8)

Huwa rakkomandat li t-trasferiment tal-applikanti għall-ażil lejn il-Greċja skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 għandu jissokta skont il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet stabbiliti fil-punti 9 u 10.

Kamp ta' applikazzjoni

(9)

Jenħtieġ li t-tkomplija tat-trasferimenti tapplika għall-applikanti għall-ażil li jkunu daħlu l-Greċja b'mod irregolari fil-fruntieri esterni mill-15 ta' Marzu 2017 'il quddiem jew għal persuni oħrajn li l-Greċja tkun responsabbli għalihom skont kriterji oħra għajr l-Artikolu 13 fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 minn dik id-data b'mod gradwali, skont il-kapaċitajiet ta' akkoljenza u t-trattament tal-applikanti fil-Greċja konformi mad-Direttivi 2013/32/UE u 2013/33/UE. Applikanti għall-ażil vulnerabbli, inklużi vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati, ma għandhomx jiġu trasferiti lejn il-Greċja għalissa.

Kooperazzjoni u assigurazzjonijiet individwali

(10)

Qabel ma applikant jiġi trasferit lejn il-Greċja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri huma mistiedna jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi sabiex jiżguraw li l-kundizzjonijiet indikati fil-punt 9 jiġu ssodisfati u, b'mod partikolari, li l-applikant jasal f'faċilità ta' akkoljenza li tissodisfa l-istandards stabbiliti fil-liġi tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva 2013/33/UE dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza, li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata fl-iskadenzi speċifikati skont id-Direttiva 2013/32/UE dwar il-Proċeduri tal-Ażil, u li jiġi trattat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE f'kull aspett rilevanti ieħor. L-awtoritajiet Griegi huma mistiedna jikkooperaw bis-sħiħ fl-għoti ta' dawn il-garanziji lill-Istati Membri l-oħra.

III.   APPOĠĠ U RAPPORTAR

Appoġġ u rapportar tal-EASO

(11)

L-EASO għandu jistabbilixxi tim ta' esperti tal-Istati Membri li jintbagħtu fil-Greċja bl-għan li jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-rapportar dwar jekk il-persuni trasferiti lura lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta' Dublin humiex trattati skont il-garanziji li għandhom jingħataw mill-Greċja msemmija fil-punt 10.

Rapportar mill-Greċja

(12)

Il-Greċja ntalbet tipprovdi, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2017, rapport li jkopri l-progress li sar fl-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni. B'mod partikolari, dan ir-rapport għandu jinkludi deskrizzjoni tal-azzjonijiet meħuda għall-implimentazzjoni tan-nuqqasijiet pendenti identifikati f'din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kif l-awtoritajiet Griegi stabbilew, jew qed jippjanaw li jistabbilixxu r-riżorsi umani u materjali meħtieġa msemmija fil-punti 1 sa 5 ta' din ir-Rakkomandazzjoni u deskrizzjoni tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kontinwi msemmija fil-punti 1 sa 3 ta' din ir-Rakkomandazzjoni. Għandu jiddeskrivi aktar fid-dettall kif l-awtoritajiet Griegi beħsiebhom jimplimentaw il-proċeduri biex jiġu jagħtu garanziji f'każijiet individwali msemmija fil-punt 10.

(13)

Ir-rapport għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kapaċità ta' akkoljenza totali attwali u permanenti u temporanja ppjanata biex jiġu akkomodati l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u n-natura ta' dik il-kapaċità;

(b)

l-għadd totali ta' applikazzjonijiet għall-ażil pendenti fl-ewwel istanza;

(c)

dejta komprensiva dwar l-appelli pendenti kollha, u deċiżjonijiet li ngħataw fit-tieni istanza, inklużi każijiet ta' ammissibbiltà, kemm mill-Kumitati tal-Appelli l-Ġodda kif ukoll il-Kumitati ta' Appelli Pendenti;

(d)

l-għadd totali ta' persunal attwali u ppjanat biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-ażil irreġistrati mas-Servizz tal-Ażil u għad-Direttorat għall-Akkoljenza; u l-għadd totali ta' impjegati attwali u ppjanat ta' persunal u l-għadd ta' Kumitati li permezz tal-Awtorità tal-Appelli bdew joperaw progressivament.

(14)

Wara l-15 ta' Frar 2017, il-Greċja ġiet mitluba tirrapporta kull xahrejn dwar l-implimentazzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Dimitris AVRAMOPOULOS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(2)  M.S.S vs Il-Belġju u l-Greċja (nru 30696/09) u NS vs is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment tal-Intern C-411/10 u C-493/10.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (ĠU L 50, 25.2.2003, p. 1) li ġie sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 604/2013.

(4)  Data tal-Frontex tal-4 ta' Diċembru 2016.

(5)  Id-Dikjarazzjoni tat-18 ta' Marzu 2016 bejn l-UE u t-Turkija.

(6)  Ara r-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/policies/european-agenda-migration/proposal-implementation-package/index_en.htm

(7)  Il-medja ta' wasliet ta' kuljum lejn il-Greċja mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Lulju 2016 kienet ta' 52, u l-medja ta' wasliet ta' kuljum lejn il-Greċja mill-1 ta' Awwissu sad-29 ta' Novembru 2016 kienet ta' 94.

(8)  http://www.media.gov.gr/index.php aċċessat fis-6 ta' Diċembru 2016.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).

(10)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill, it-Tmien Rapport dwar ir-Rilokazzjoni u r-Risistemazzjoni, is-7 ta' Diċembru 2016, COM(2016) 791 final.

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Frar 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 — C(2016) 871 final, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija mill-ġdida tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, C(2016) 3805 final.

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru 2016 indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Greċja fid-dawl tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 — C (2016) 6311 final.

(13)  Sa l-aħħar tal-2016, jenħtieġ li ħafna mill-applikazzjonijiet “prereġistrati” jkunu kompletament reġistrati/ippreżentati. L-għan tal-eżerċizzju ta' prereġistrazzjoni, li tlesta f'Awwissu 2016, kien li jiġu prereġistrati dawk iċ-ċittadini irregolari ta' pajjiżi terzi kollha li waslu fil-Greċja qabel l-20 ta' Marzu 2016 li riedu japplikaw għal protezzjoni internazzjonali iżda li kienu għadhom ma għaddewx mill-proċedura ta' ażil mill-awtoritajiet Griegi. Madwar 28 000 persuna ġew reġistrati minn qabel matul is-sajf.

(14)  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(15)  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).

(16)  “Il-Liġi 4375/2016 dwar l-Istruttura u l-Operat tas-Servizz tal-Ażil, l-Awtorità tal-Appelli u s-Servizz tal-Akkoljenza u l-Identifikazzjoni, l-istabbiliment ta' Segretarjat Ġenerali għall-Akkoljenza, it-traspożizzjoni fil-leġiżlazzjoni Griega tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) u dispożizzjonijiet oħrajn”, jinsab fuq: http://www.hellenicparliament.gr/UserFiles/bcc26661-143b-4f2d-8916-0e0e66ba4c50/o-prosf-pap.pdf

Atti ta' implimentazzjoni fil-forma ta' Deċiżjonijiet Ministerjali jew Koministerjali jridu jiġu adottati sabiex l-awtoritajiet Griegi jkunu jistgħu jimplimentaw il-Liġi fl-intier tagħha.

(17)  Il-Liġi 4399/2016: http://www.asylumineurope.org/sites/default/files/resources/n_4399.2016.pdf

(18)  Il-Liġi 4415/2016: https://www.alfavita.gr/sites/default/files/attachments/fek_ellinoglosi.pdf

(19)  http://www.media.gov.gr/images/prosfygiko/REFUGEE_FLOWS-01-12-2016.pdf

Dawn il-faċilitajiet temporanji u permanenti ta' emerġenza jinsabu fuq il-Gżejjer tal-Eġew fil-hotspots kif ukoll fil-Greċja kontinentali.

(20)  Il-Ministru Grieg Mouzalas iddikjara li fil-verità hemm inqas migranti fil-Gżejjer (madwar 10–12 000).

(21)  http://reliefweb.int/report/greece/situation-update-unaccompanied-children-uac-greece-2-november-2016

(22)  http://data.unhcr.org/mediterranean/country.php?id=83

(23)  L-Artikolu 1(3) tal-Liġi 4375/2016.

(24)  Informazzjoni dwar il-persunal mogħtija mis-Servizz tal-Ażil Grieg waqt laqgħa mas-servizzi tal-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2016.

(25)  Madankollu, minħabba ż-żieda fil-volum tax-xogħol ikkawżata mill-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija, dan il-Kumitat alternattiv jingħata 100 każ fix-xahar biex jeżaminahom.

(26)  Id-Deċiżjoni Koministerjali (ĠU B 1862), l-24 ta' Ġunju 2016.

(27)  L-Artikolu 22(3) tal-Liġi 4375/2016.

(28)  L-Artikolu 28 tad-Digriet Presidenzjali 114/2010.

(29)  Informazzjoni mogħtija lis-Servizzi tal-Kummissjoni f'laqgħa mal-Awtorità tal-Appelli f'Novembru 2016.

(30)  Il-ftehim ta' għotja ġie ffirmat fil-15 ta' Lulju 2016.

(31)  Id-Deċiżjoni Ministerjali 1982, is-16 ta' Frar 2016 (Gazzetta Uffiċjali, B' 335).

(32)  Human Rights Watch, “Why Are You Keeping Me Here?”, Settembru 2016 https://www.hrw.org/sites/default/files/report_pdf/greece0916_web.pdf

(33)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, “Lura lejn Schengen — Pjan ta' Direzzjoni”, COM(2016) 120 final, l-4 ta' Marzu 2016.

(34)  COM(2016)270 final.


Rettifika

15.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 340/72


Rettifika tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/1015 tas-17 ta' Ġunju 2016 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-livelli massimi ta' residwi għall-1-naftilaċetammid, għall-aċidu 1-naftilaċetiku, għall-kloridażon, għall-fluważifop-P, għall-fuberidażol, għall-mepikwat u għat-tralkossidim f'ċerti prodotti jew fuqhom

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 172 tad-29 ta' Ġunju 2016 )

F'paġna 21, fil-punt (2) tal-Anness,

minflok:

“(2)

Fl-Anness III fil-Parti B, jitħassru l-kolonni għall-1-naftilaċetammid, għall-aċidu 1-naftilaċetiku, għall-kloridażon, għall- fluważifop-P, għall-fuberidażol, għall-mepikwat u għat-tralkossidim.”,

aqra:

“(2)

Fl-Anness III fil-Parti A, jitħassru l-kolonni għall-1-naftilaċetammid, għall-aċidu 1-naftilaċetiku, għall-kloridażon, għall-fluważifop-P, għall-fuberidażol, għall-mepikwat u għat-tralkossidim.”.