ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 282

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
19 ta' Ottubru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

1

 

 

Ftehim ta' Pariġi

4

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1842 tal-14 ta' Ottubru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni għall-prodotti organiċi importati u għal ċerti affarijiet oħrajn u r-Regolament (KE) Nru 889/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-prodotti organiċi ppreservati jew ipproċessati u t-trażmissjoni tal-informazzjoni ( 1 )

19

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1843 tat-18 ta' Ottubru 2016 dwar il-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditazzjoni tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella  ( 1 )

38

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1844 tat-18 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

40

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1845 tat-18 ta' Ottubru 2016 li jistabbilixxi l-koeffiċjent tal-allokazzjoni li jrid jiġi applikat għall-applikazzjonijiet għal għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612

42

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1846 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar il-miżura SA.41187 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa mill-impriżi tal-industrija tat-tabakk (notifikata bid-dokument C(2016) 4049)  ( 1 )

43

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1847 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.41612 — 2015/C (ex SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands favur il-klabb tal-futbol professjonali MVV f'Maastricht (notifikata bid-dokument C(2016) 4053)  ( 1 )

53

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1848 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar il-miżura SA.40018 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija fuq l-Emenda tal-2014 għat-tariffa Ungeriża għall-ispezzjoni tal-katina alimentari (notifikata bid-dokument C(2016) 4056)  ( 1 )

63

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1849 tal-4 ta' Lulju 2016 dwar il-miżura SA.41613 — 2015/C (ex SA.33584 — 2013/C (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands fir-rigward tal-klabb tal-futbol professjonali PSV f'Eindhoven (notifikata bid-dokument C(2016) 4093)  ( 1 )

75

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1841

tal-5 ta' Ottubru 2016

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015, ġie adottat it-test ta' ftehim li jikkonċerna t-tisħiħ tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima.

(2)

Il-Ftehim ta' Pariġi ġie ffirmat fit-22 ta' April 2016 f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/590 (2).

(3)

Il-Ftehim ta' Pariġi jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha mill-inqas 55 Parti tal-UNFCCC li b'kollox jikkostitwixxu mill-inqas 55 % tal-emissjonijiet globali ta' gass serra, ikunu ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' ratifika, ta' aċċettazzjoni, ta' approvazzjoni jew ta' adeżjoni. Il-partijiet tal-UNFCCC jinkludu l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Marzu 2016, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-bżonn li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkonkludu l-Ftehim ta' Pariġi malajr kemm jista' jkun u fil-ħin sabiex ikunu partijiet fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

Il-Ftehim ta' Pariġi jissostitwixxi l-approċċ meħud taħt il-Protokoll tal-Kyoto tal-1997.

(5)

Il-Ftehim ta' Pariġi, fost l-oħrajn, jistabbilixxi mira fit-tul b'konformità mal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 °C meta mqabbla mal-livelli pre-industrijali u biex jitkomplew l-isforzi biex tinżamm sa 1,5 °C meta mqabbla maal-livelli pre-industrijali. Sabiex tintlaħaq din il-mira, il-Partijiet ser ifasslu, jikkomunikaw u jagħmlu kontributi suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali.

(6)

Taħt il-Ftehim ta' Pariġi, mill-2023, il-Partijiet għandhom jagħmlu analiżi globali kull 5 snin, ibbażata fuq ix-xjenza l-aktar aġġornata u l-istadju ta' implimentazzjoni sa dik id-data, li ser tittraċċa l-progress u tikkunsidra t-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-adattament u s-sostenn ipprovdut u l-kontribuzzjoni suċċessiva ta' kull Parti għandha tirrappreżenta progressjoni meta mqabbla mal-kontribuzzjoni preċedenti tagħha u li tirrifletti l-ogħla ambizzjoni tagħha possibbli.

(7)

Mira vinkolanti ta' mill-inqas 40 % tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-ekonomija kollha sal-2030 meta mqabbel mal-livell tal-1990 ġiet approvata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Fis-6 ta' Marzu 2015, il-Kunsill adotta dan il-kontribut tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha bħala l-kontribut maħsub stabbilit fil-livell nazzjonali tagħhom (INDC), li ġie ppreżentat lis-Segretarjat tal-UNFCCC.

(8)

Fil-Komunikazzjoni tagħha li takkumpanja l-proposta biex l-Unjoni tiffirma l-Ftehim ta' Pariġi il-Kummissjoni enfasizzat li t-tranżizzjoni globali għal enerġija nadifa teħtieġ bidliet fil-mod kif isiru l-investimenti u kif jingħataw inċentivi tul l-ispettru kollu tal-politika. Hija prijorità prinċipali tal-Unjoni li tistabbilixxi Unjoni tal-Enerġija reżiljenti biex tipprovdi enerġija sikura, sostenibbli, kompetittiva u affordabbli liċ-ċittadini tagħha. Biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-azzjoni klimatika ambizzjuża u l-progress rigward aspetti oħra tal-Unjoni tal-Enerġija jibqgħu għaddejjin.

(9)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Settembru 2015 il-Kunsill ikkonferma li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom il-ħsieb jaġixxu b'mod konġunt taħt il-Ftehim ta' Pariġi u kien sodisfatt bl-intenzjoni tan-Norveġja u tal-Iżlanda li jipparteċipaw f'din l-azzjoni konġunta.

(10)

L-azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser tiġi miftiehma fiż-żmien debitu u ser tkopri l-livell ta' emissjonijiet rispettiv allokat lill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(11)

Il-paragrafu 16 tal-Artikolu 4 tal-Ftehim ta' Pariġi jirrikjedi li s-Segretarjat jiġi notifikat dwar l-azzjoni konġunta, inkluż il-livell tal-emissjonijiet allokat lil kull Parti fil-perjodu ta' żmien relevanti.

(12)

Il-Ftehim ta' Pariġi huwa f'konformità mal-objettivi ambjentali tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 191 tat-Trattat, jiġifieri s-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, u l-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jitrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu t-tibdil fil-klima.

(13)

Il-Ftehim ta' Pariġi u d-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza għandhom għalhekk jiġu approvati f'isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Pariġi adottat fit-12 ta' Diċembru 2015 taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim ta' Pariġi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Id-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza mehmuża ma' din id-Deċiżjoni hija wkoll approvata f'isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw, f'isem l-Unjoni, l-istrument ta' ratifika mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 tal-Ftehim ta' Pariġi, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta' Kompetenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-passi neċesarji bil-ħsieb li jiddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika simultanjament mal-Unjoni jew kemm jista' jkun malajr wara dan.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjonijiet tagħhom dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi jew, skont iċ-ċirkostanzi, bid-data probabbli tat-tlestija tal-proċeduri neċesarji.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' wara dik tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  Kunsens tal-4 ta' Ottubru 2016 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/590 tal-11 ta' April 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta' Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 103,19.4.2016, p. 1).


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/4


TRADUZZJONI

FTEHIM TA' PARIĠI

IL-PARTIJIET GĦAL DAN IL-FTEHIM,

BILLI huma Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, minn hawn 'il quddiem msejħa “il-Konvenzjoni”,

SKONT il-Pjattaforma ta' Durban għal Azzjoni Msaħħa stabbilita mid-Deċiżjoni 1/CP. 17 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni fis-sbatax-is sessjoni tagħha,

FL-INSEGWIMENT tal-objettiv tal-Konvenzjoni, u ggwidata mill-prinċipji tagħha, inkluż il-prinċipju ta' ekwità u r-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi, fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti,

FILWAQT LI JAGĦRFU l-ħtieġa ta' rispons effettiv u progressiv għat-theddid urġenti tat-tibdil fil-klima fuq il-bażi tal-aħjar kompetenzi xjentifiċi disponibbli,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU WKOLL il-ħtiġijiet speċifiċi u ċ-ċirkostanzi speċjali tal-Partijiet ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, kif previst fil-Konvenzjoni,

FILWAQT LI JQISU B'MOD SĦIĦ il-ħtiġijiet speċifiċi u s-sitwazzjonijiet speċjali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati fir-rigward tal-fondi u tat-trasferiment tat-teknoloġija,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Partijiet jistgħu jiġu affettwati mhux biss minħabba t-tibdil fil-klima, iżda anki mill-impatti tal-miżuri li ttieħdu b'risposta għalih,

FILWAQT LI JENFASIZZAW ir-relazzjoni intrinsika li jkollhom l-azzjonijiet, ir-risponsi u l-impatti għat-tibdil fil-klima b'aċċess ugwali għall-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prijorità fundamentali ta' ħarsien tas-sigurtà tal-ikel u li jintemm il-ġuħ, u l-vulnerabbiltajiet partikolari ta' sistemi ta' produzzjoni tal-ikel għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima,

FILWAQT LI JQISU l-ħtiġijiet ta' tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' xogħol diċenti u impjiegi ta' kwalità skont il-prijoritajiet ta' żvilupp definiti fil-livell nazzjonali,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li t-tibdil fil-klima huwa tħassib komuni tal-bniedem, il-Partijiet, meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima, għandhom iħarsu, jippromwovu u jikkunsidraw l-obbligi rispettivi tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, id-dritt għas-saħħa, id-drittijiet tal-popli indiġeni, il-komunitajiet lokali, il-migranti, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltajiet u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli kif ukoll id-dritt għall-iżvilupp, kif ukoll l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġenerazzjonijiet,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-konservazzjoni u t-titjib, kif xieraq ta' bjar u ġibjuni ta' gassijiet b'effett ta' serra msemmija f'din il-Konvenzjoni,

FILWAQT LI JINNOTAW l-importanza li tiġi żgurata l-integrità tal-ekosistemi kollha, inklużi l-oċeani, u l-protezzjoni tal-bijodiversità, rikonoxxuti minn xi kulturi bħala Dinja Ommna, u jinnotaw l-importanza għal xi parti mill-kunċett tal-“ġustizzja tal-klima”, meta jieħdu azzjoni biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima,

FILWAQT LI JAFFERMAW l-importanza tal-edukazzjoni, it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni pubblika, il-parteċipazzjoni pubblika, l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livelli kollha dwar il-kwistjonijiet indirizzati f'dan il-Ftehim,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-impenji tal-livelli kollha ta' gvern u d-diversi atturi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rispettiva tal-Partijiet, biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima,

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll li stili ta' ħajja sostenibbli u mudelli sostenibbli ta' konsum u produzzjoni, fejn il-Partijiet minn pajjiżi żviluppati jieħdu r-riedni, jaqdu rwol importanti fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima,

QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk:

(a)

“Konvenzjoni” tfisser il-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, adottat f'New York fid-9 ta' Mejju 1992;

(b)

“Konferenza tal-Partijiet” tfisser il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni;

(c)

“Parti” tfisser Parti għal dan il-Ftehim.

Artikolu 2

1.   Dan il-Ftehim, fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, inkluż l-objettiv tiegħu, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar, inkluż billi:

(a)

Iż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt 2 aktar mil-livelli preindustrijali u l-insegwiment tal-isforzi biex tiġi limitata ż-żieda fit-temperatura għal 1.5 aktar mil-livelli preindustrijali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dan inaqqas b'mod sinifikanti r-riskji u l-impatti tat-tibdil fil-klima;

(b)

Tiżdied il-kapaċità ta' adattament għall-impatti negattivi tat-tibdil fil-klima u biex titrawwem ir-reżiljenza għall-klima u żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra, b'mod li ma jipperikolax il-produzzjoni tal-ikel; kif ukoll

(c)

Billi l-flussi ta' finanzjament isiru konsistenti ma' perkors lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

2.   Dan il-Ftehim sejjer jiġi implimentat biex jirrifletti l-ekwità u l-prinċipju ta' responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u kapaċitajiet rispettivi, fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti.

Artikolu 3

Bħala kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima, il-Partijiet kollha għandhom jagħmlu u jikkomunikaw sforzi ambizzjużi kif definit fl-Artikoli 4, 7, 9, 10, 11 u 13 bil-għan li jintlaħqu l-finijiet ta' dan il-Ftehim kif stabbilit fl-Artikolu 2. L-isforzi tal-Partijiet kollha sejrin jirrappreżentaw progressjoni matul iż-żmien, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 4

1.   Sabiex jiksbu l-mira ta' temperatura fit-tul stabbilita fl-Artikolu 2, il-Partijiet għandhom l-għan li jilħqu l-ogħla livell ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jirrikonoxxu li l-ilħuq tal-ogħla livell sejjer jieħu aktar żmien għall-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li jagħmlu tnaqqis rapidu minn hemm 'il quddiem skont l-aqwa xjenza disponibbli, sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-emissjonijiet antropoġeniċi mis-sorsi u l-assorbimenti minn bjar ta' gassijiet b'effett ta' serra fit-tieni nofs ta' dan is-seklu, abbażi ta' ekwità, u fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli u sforzi biex jinqered il-faqar.

2.   Kull Parti għandha tipprepara, tikkomunika u żżomm il-kontribuzzjonijiet suċċessivi stabbiliti fil-livell nazzjonali li beħsiebha tilħaq. Il-Partijiet għandhom isegwu miżuri ta' mitigazzjoni domestiċi, bil-għan li jinkisbu l-objettivi ta' dawn il-kontribuzzjonijiet.

3.   Kull kontribuzzjoni suċċessiva stabbilita fil-livell nazzjonali ta' kull Parti sejra tirrappreżenta progress lil hinn mill-kontribuzzjoni stabbilita fil-livell nazzjonali u tirrifletti l-akbar ambizzjoni possibbli tagħha, li tirrifletti r-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi tagħha, fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti.

4.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom jibqgħu jieħdu l-inizjattiva billi jimplimentaw miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet assoluti fl-ekonomija kollha. Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikomplu jsaħħu l-isforzi ta' mitigazzjoni tagħhom, u huma mħeġġa sabiex matul iż-żmien jaqilbu għal miri ta' limitazzjoni jew tnaqqis fl-emissjonijiet fl-ekonomija kollha fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti.

5.   Għandu jingħata appoġġ lil Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, skont l-Artikoli 9, 10 u 11, filwaqt li jiġi rikonoxxut li appoġġ imsaħħaħ għal Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw sejjer jippermetti ambizzjoni akbar fl-azzjonijiet tagħhom.

6.   Il-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw jistgħu jippreparaw u jikkomunikaw strateġiji, pjanijiet u azzjonijiet għall-iżvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra li jirriflettu ċ-ċirkostanzi speċjali tagħhom.

7.   Il-kobenefiċċji ta' mitigazzjoni li jirriżultaw minn azzjonijiet ta' adattament u/jew il-pjanijiet ta' diversifikazzjoni ekonomika tal-Partijiet jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tar-riżultati skont dan l-Artikolu.

8.   Meta jikkomunikaw il-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, il-Partijiet kollha għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċarezza, it-trasparenza u l-fehim skont id-Deċiżjoni 1/CP.21 u kull deċiżjoni rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

9.   Kull Parti għandha tikkomunika kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali kull ħames snin skont id-Deċiżjoni 1/CP.21 u kull deċiżjoni rilevanti tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim u tkun informata mir-riżultati tal-bilanċ globali msemmi fl-Artikolu 14.

10.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tqis oqfsa ta' żmien komuni għal kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali fl-ewwel sessjoni tagħha.

11.   Parti tista' f'kull ħin taġġusta l-kontribuzzjoni stabbilita fil-livell nazzjonali eżistenti tagħha bil-ħsieb li ssaħħaħ il-livell ta' ambizzjoni tagħha, skont il-linji gwida adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

12.   Il-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali kkomunikati mill-Partijiet għandhom jitniżżlu f'reġistru pubbliku miżmum mis-segretarjat.

13.   Il-Partijiet għandhom jieħdu kont tal-kontribuzzjonijiet tagħhom stabbiliti fil-livell nazzjonali. Fl-ikkalkular ta' emissjonijiet u assorbimenti antropoġeniċi li jikkorrispondu għall-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-integrità ambjentali, it-trasparenza, il-preċiżjoni, il-kompletezza, il-komparabbiltà u l-konsistenza, u jiżguraw li jiġi evitat l-għadd doppju, skont il-linji gwida adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

14.   Fil-kuntest tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, meta jirrikonoxxu u jimplimentaw azzjonijiet ta' mitigazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet u l-assorbimenti antropoġeniċi, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw, kif xieraq, il-metodi u l-gwida eżistenti skont il-Konvenzjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu.

15.   Fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom iqisu t-tħassib tal-Partijiet bl-ekonomiji l-aktar affettwati mill-impatti tal-miżuri ta' rispons, b'mod partikolari l-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

16.   Il-Partijiet, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali u l-Istati Membri tagħhom, li laħqu ftehim biex jaġixxu b'mod konġunt skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jinnotifikaw lis-segretarjat bit-termini ta' dak il-ftehim, inkluż il-livell ta' emissjonijiet allokat lil kull Parti fi ħdan il-perjodu ta' żmien rilevanti, meta jikkomunikaw il-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom. Is-segretarjat għandu min-naħa tiegħu jinforma lill-Partijiet u lil firmatarji għall-Konvenzjoni bit-termini ta' dak il-ftehim.

17.   Kull Parti għal dan il-ftehim għandha tkun responsabbli mil-livell tal-emissjonijiet tagħha kif stabbilit fil-ftehim imsemmi fil-paragrafu 16 ta' dan l-Artikolu skont il-paragrafi 13 u 14 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikoli 13 u 15.

18.   Jekk il-Partijiet li jaġixxu b'mod konġunt jagħmlu hekk fil-qafas ta' organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika li hija fiha nnifisha Parti għal dan il-Ftehim u flimkien magħha, kull Stat Membru ta' dik l-organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali fuq livell individwali, u flimkien mal-organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, għandhom ikunu responsabbli mil-livell ta' emissjonijiet tagħha kif stabbilit fil-ftehim ikkomunikat skont il-paragrafu 16 ta' dan l-Artikolu skont il-paragrafi 13 u 14 ta' dan l-Artikolu u l-Artikoli 13 u 15.

19.   Il-Partijiet kollha għandhom jagħmlu ħilithom biex ifasslu u jikkomunikaw strateġiji ta' żvilupp fit-tul b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra, filwaqt li jqisu l-Artikolu 2 li jieħu kont tar-responsabbiltajiet komuni iżda differenzjati u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, fid-dawl ta' ċirkostanzi nazzjonali differenti.

Artikolu 5

1.   Il-Partijiet għandhom jieħdu azzjoni biex jikkonservaw u jsaħħu, kif xieraq, il-bjar u l-ġibjuni ta' gassijiet b'effett ta' serra, kif imsemmi fl-Artikolu 4, paragrafu 1(d) tal-Konvenzjoni, inklużi l-foresti.

2.   Il-Partijiet huma mħeġġa jieħdu azzjoni biex jimplimentaw u jappoġġjaw, saħansitra anke permezz ta' pagamenti bbażati fuq ir-riżultati, il-qafas eżistenti kif stabbilit f'linji gwida u deċiżjonijiet relatati diġà maqbula skont il-Konvenzjoni għal: l-approċċi ta' politika u l-inċentivi pożittivi għal attivitajiet relatati mat-tnaqqis ta' emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, u r-rwol tal-konservazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u t-tisħiħ tal-ħażniet ta' karbonju tal-foresti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; u approċċi ta' politika alternattivi, bħal approċċi ta' mitigazzjoni u adattament konġunti għall-ġestjoni integrali u sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-importanza li jiġu inċentivati, kif xieraq, il-benefiċċji mhux marbuta mal-karbonju assoċjati ma' dawn l-istrateġiji.

Artikolu 6

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li xi Partijiet jagħżlu li jsegwu kooperazzjoni volontarja fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom biex jippermettu ambizzjoni akbar fl-azzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattament tagħhom u biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u l-integrità ambjentali.

2.   Il-Partijiet, meta jimpenjaw ruħhom fuq bażi volontarja f'approċċi ta' kooperazzjoni li jinvolvu l-użu ta' riżultati ta' mitigazzjoni trasferiti fil-livell internazzjonali għal kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali, għandhom jippromwovu żvilupp sostenibbli u jiżguraw l-integrità ambjentali u t-trasparenza, inkluż fil-governanza, u għandhom japplikaw kontabbiltà robusta sabiex, fost l-oħrajn, jiżguraw li jiġi evitat l-għadd doppju, b'mod konsistenti mal-gwida adottata mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

3.   L-użu ta' riżultati ta' mitigazzjoni trasferiti fil-livell internazzjonali biex jintlaħqu l-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali skont dan il-Ftehim għandu jkun volontarju u awtorizzat mill-Partijiet parteċipanti.

4.   B'dan huwa stabbilit mekkaniżmu li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli taħt l-awtorità u l-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim biex tintuża mill-Partijiet fuq bażi volontarja. Dan għandu jiġi sorveljat minn korp maħtur mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, u għandu jkollu l-għan li:

(a)

Jippromwovi l-mitigazzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra filwaqt li jitħeġġeġ żvilupp sostenibbli;

(b)

Jinċentiva u jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra minn entitajiet pubbliċi u privati awtorizzati minn Parti;

(c)

Jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-livelli ta' emissjonijiet fil-Parti ospitanti, li sejra tibbenefika minn attivitajiet ta' mitigazzjoni li jirriżultaw fi tnaqqis fl-emissjonijiet li jistgħu wkoll jintużaw minn Parti oħra biex tissodisfa l-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tagħha; kif ukoll

(d)

Iwassal għal mitigazzjoni ġenerali fl-emissjonijiet globali.

5.   It-tnaqqis fl-emissjonijiet li jirriżulta mill-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ma għandux jintuża biex juri l-kisba tal-kontribuzzjoni stabbilita fil-livell nazzjonali tal-Parti ospitanti jekk tintuża minn Parti oħra biex turi l-kisba tal-kontribuzzjoni stabbilita fil-livell nazzjonali tagħha.

6.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tassigura li parti mid-dħul tal-attivitajiet taħt il-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu tintuża biex tkopri l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll biex tassisti lill-Partijiet ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima ħalli jkopru l-ispejjeż ta' adattament.

7.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tadotta regoli, modalitajiet u proċeduri għall-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu fl-ewwel sessjoni tagħha.

8.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tad-disponibbiltà ta' approċċi integrati, olistiċi u bbilanċjati mhux tas-suq biex jassistu fl-implimentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali tagħhom, fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar, b'mod ikkoordinat u effettiv, inkluż permezz, fost l-oħrajn, tal-mitigazzjoni, l-adattament, il-finanzjament, it-trasferiment ta' teknoloġija u l-bini tal-kapaċità, kif xieraq. Dawn l-approċċi għandhom l-għan li:

(a)

Jippromwovu l-ambizzjoni ta' mitigazzjoni u adattament;

(b)

Isaħħu l-parteċipazzjoni tas-settur pubbliku u privat fl-implimentazzjoni ta' kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali; kif ukoll

(c)

Jagħtu lok għal koordinazzjoni bejn l-istrumenti u l-arranġamenti istituzzjonali rilevanti.

9.   B'dan qiegħed jiġi ddefinit qafas għal approċċi mhux tas-suq għall-iżvilupp sostenibbli biex jiġu promossi l-approċċi mhux tas-suq imsemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 7

1.   Il-Partijiet b'dan jistabbilixxu l-mira globali dwar l-adattament tat-tisħiħ tal-kapaċità ta' adattament, it-tisħiħ tar-reżiljenza u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u jiżguraw rispons ta' adattament xieraq fil-kuntest tal-objettiv ta' temperatura msemmi fl-Artikolu 2.

2.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-adattament huwa sfida globali li jiffaċċjaw id-dimensjonijiet lokali, subnazzjonali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali kollha, u li dan huwa komponent ewlieni tar-rispons globali għat-tibdil fil-klima u li jikkontribwixxi għalih biex jiġu protetti l-persuni, l-għajxien u l-ekosistemi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet urġenti u immedjati ta' dawk il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

3.   L-isforzi ta' adattament tal-Partijiet ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu rikonoxxuti, skont il-modalitajiet li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fl-ewwel sessjoni tagħha.

4.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li din il-ħtieġa attwali għal adattament hija sinifikanti u li livelli akbar ta' mitigazzjoni jistgħu jnaqqsu l-ħtieġa għal aktar sforzi ta' adattament, u li l-ħtiġijiet ta' adattament akbar jistgħu jinvolvu aktar spejjeż ta' adattament.

5.   Il-Partijiet jirrikonoxxu li azzjoni ta' adattament għandha ssegwi approċċ immexxi mill-pajjiżi, li jirrispondi għall-ġeneru, parteċipatorju u trasparenti għal kollox, li jqis il-gruppi, il-komunitajiet u l-ekosistemi vulnerabbli, u għandu jkun ibbażat fuq u mmexxi mill-aħjar xjenza disponibbli u, kif xieraq, il-kompetenzi tradizzjonali, l-għarfien tal-popli indiġeni s-sistemi ta' għarfien lokali, bil-għan li l-adattament jiġi integrat f'politiki u azzjonijiet soċjoekonomiċi u ambjentali rilevanti, fejn ikun xieraq.

6.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-appoġġ u l-kooperazzjoni internazzjonali dwar l-isforzi ta' adattament u l-importanza li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

7.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom b'rabta mat-tisħiħ tal-azzjoni dwar l-adattament, filwaqt li jitqies il-Qafas tal-Adattament ta' Cancun, inkluż fir-rigward ta':

(a)

Il-kondiviżjoni ta' informazzjoni, prassi tajba, esperjenzi u tagħlimiet meħuda, inkluż, kif xieraq, peress li dawn huma relatati max-xjenza, l-ippjanar, il-politika u l-implimentazzjoni b'rabta mal-azzjonijiet ta' adattament;

(b)

It-tisħiħ tal-arranġamenti istituzzjonali, inkluż dawk skont il-Konvenzjoni li jservu dan il-Ftehim, biex tiġi appoġġjata s-sinteżi ta' informazzjoni u kompetenzi rilevanti, u l-għoti ta' appoġġ tekniku u gwida għall-Partijiet;

(c)

It-tisħiħ tal-għarfien xjentifiku dwar il-klima, inkluż ir-riċerka, l-osservazzjoni sistematika tas-sistema tal-klima u sistemi ta' twissija bikrija, b'mod li jinforma lis-servizzi klimatiċi u jappoġġja t-teħid ta' deċiżjonijiet;

(d)

L-għajnuna lill-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-identifikazzjoni ta' prattiki ta' adattament, ħtiġijiet ta' adattament, prijoritajiet, appoġġ effettiv mogħti u rċevut għall-azzjonijiet u sforzi ta' adattament, u sfidi u lakuni, b'mod li jkun konsistenti mal-inkoraġġiment ta' prattiki tajba; kif ukoll

(e)

It-titjib tal-effettività u d-durabbiltà tal-azzjonijiet ta' adattament.

8.   L-organizzazzjonijiet u l-aġenziji speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti huma mħeġġa sabiex jappoġġjaw l-isforzi tal-Partijiet biex jimplimentaw l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

9.   Kull Parti għandha, kif xieraq, tinvolvi ruħha fi proċessi ta' ppjanar għall-adattament u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet, inkluż l-iżvilupp jew it-titjib ta' pjanijiet, politiki u/jew kontribuzzjonijiet rilevanti, li jistgħu jinkludu:

(a)

L-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' adattament, impenji u/jew sforzi;

(b)

Il-proċess biex jitfasslu u jiġu implimentati pjanijiet ta' adattament nazzjonali;

(c)

Il-valutazzjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima u l-vulnerabbiltà, bil-għan li jitfasslu azzjonijiet prijoritizzati stabbiliti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-persuni vulnerabbli, il-postijiet u l-ekosistemi;

(d)

Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-lezzjonijiet mill-pjanijiet, il-politiki, il-programmi u l-azzjonijiet ta' adattament; kif ukoll

(e)

Il-bini tar-reżiljenza tas-sistemi soċjoekonomiċi u ekoloġiċi, inkluż permezz tad-diversifikazzjoni ekonomika u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali.

10.   Kull Parti għandha, kif xieraq, tissottometti u taġġorna perjodikament komunikazzjoni ta' adattament, li tista' tinkludi l-prijoritajiet, il-ħtiġijiet ta' implimentazzjoni u ta' appoġġ, il-pjanijiet u l-azzjonijiet tagħha, mingħajr ma toħloq ebda piż addizzjonali għal Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

11.   Il-komunikazzjoni ta' adattament imsemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu għandha tkun, kif xieraq, sottomessa u aġġornata perjodikament, bħala komponent jew flimkien ma' komunikazzjonijiet jew dokumenti oħra, inkluż pjan ta' adattament nazzjonali, b'kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-paragrafu 2, u/jew komunikazzjoni nazzjonali.

12.   Il-komunikazzjonijiet ta' adattament imsemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu għandhom jitniżżlu f'reġistru pubbliku miżmum mis-segretarjat.

13.   Għandu jingħata appoġġ kontinwu u msaħħaħ lill-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 7, 9, 10 u 11 ta' dan l-Artikolu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9, 10 u 11.

14.   Il-bilanċ globali msemmi fl-Artikolu 14 għandu, fost l-oħrajn:

(a)

Jirrikonoxxi l-isforzi ta' adattament tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

(b)

Itejjeb l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta' adattament billi jqis il-komunikazzjoni ta' adattament imsemmija fil-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu;

(c)

Jirrevedi l-adegwatezza u l-effikaċja tal-adattament u l-appoġġ mogħti għall-adattament; kif ukoll

(d)

Jirrevedi l-progress ġenerali li sar fil-kisba tal-għan globali b'rabta mal-adattament imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 8

1.   Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġu evitati, minimizzati u indirizzati t-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, inklużi avvenimenti ta' temp estrem u avvenimenti li jevolvu bil-mod, u r-rwol tal-iżvilupp sostenibbli sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' telf u ħsara.

2.   Il-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għal Telf u Ħsara assoċjati mal-Impatti tat-Tibdil fil-Klima għandu jkun soġġett għall-awtorità u l-gwida tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim u jista' jittejjeb u jissaħħaħ, kif stabbilit fil-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

3.   Il-Partijiet għandhom isaħħu l-fehim, l-azzjoni u l-appoġġ, saħansitra permezz tal-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja kif xieraq, fuq bażi ta' kooperazzjoni u faċilitattiva fir-rigward tat-telf u l-ħsara assoċjata mal-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

4.   Għaldaqstant, l-oqsma ta' kooperazzjoni u ta' faċilitazzjoni biex jitjiebu l-fehim, l-azzjoni u l-appoġġ jistgħu jinkludu:

(a)

Sistemi ta' twissija bikrija;

(b)

Tħejjija għall-emerġenzi;

(c)

Avvenimenti li jevolvu bil-mod;

(d)

Avvenimenti li jistgħu jinvolvu telf u ħsara irriversibbli u permanenti;

(e)

Valutazzjoni u ġestjoni komprensiva tar-riskju;

(f)

Faċilitajiet ta' assigurazzjoni tar-riskju, kondiviżjoni tar-riskji klimatiċi, u soluzzjonijiet ta' assigurazzjoni oħra;

(g)

Telf mhux ekonomiku; kif ukoll

(h)

Reżiljenza tal-komunitajiet, l-għajxien u l-ekosistemi.

5.   Il-Mekkaniżmu Internazzjonali ta' Varsavja għandu jikkollabora mal-korpi eżistenti u l-gruppi tal-esperti skont il-Ftehim, kif ukoll organizzazzjonijiet rilevanti u korpi esperti barra mill-Ftehim.

Artikolu 9

1.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom jipprovdu riżorsi finanzjarji sabiex jgħinu lill-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-rigward kemm tal-mitigazzjoni kif ukoll tal-adattament b'kontinwazzjoni tal-obbligi eżistenti tagħhom skont il-Konvenzjoni.

2.   Partijiet oħra huma mħeġġa biex jipprovdu jew ikomplu jipprovdu tali appoġġ fuq bażi volontarja.

3.   Bħala parti minn sforz globali, il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom ikomplu jmexxu l-mobilizzazzjoni tal-finanzjamenti għall-klima minn firxa wiesgħa ta' sorsi, strumenti u mezzi, filwaqt li jinnotaw ir-rwol sinifikanti tal-fondi pubbliċi, permezz ta' varjetà ta' azzjonijiet, inkluż l-appoġġ għal strateġiji mmexxija mill-pajjiżi, u filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Tali mobilizzazzjoni ta' finanzjament għall-klima għandha tirrappreżenta progressjoni lil hinn mill-isforzi preċedenti.

4.   Il-provvista ta' riżorsi finanzjarji fuq skala akbar għandha l-għan li tikseb bilanċ bejn l-adattament u l-mitigazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji mmexxija mill-pajjiżi, u l-prijoritajiet u l-ħtiġijiet ta' partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u għandhom limiti sinifikanti fil-kapaċità, bħall-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa ta' riżorsi pubbliċi u dawk ibbażati fuq l-għotjiet għall-adattament.

5.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom kull sentejn jikkomunikaw informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva indikattiva relatata mal-paragrafi 1 u 3 ta' dan l-Artikolu, kif applikabbli, inkluż, skont id-disponibbiltà, il-livelli mbassra ta' riżorsi finanzjarji pubbliċi li għandhom jiġu pprovduti lil Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Partijiet oħra li jipprovdu riżorsi huma mħeġġa li jikkomunikaw kull sentejn din l-informazzjoni fuq bażi volontarja.

6.   Il-bilanċ globali msemmi fl-Artikolu 14 għandu jqis l-informazzjoni rilevanti pprovduta minn Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati u/jew mill-korpi tal-Ftehim dwar l-isforzi relatati ma' finanzjamenti għall-klima.

7.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom jipprovdu informazzjoni trasparenti u konsistenti dwar l-appoġġ għall-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati u mobilizzati permezz ta' interventi pubbliċi kull sentejn skont il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida li għandhom jiġu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, fl-ewwel sessjoni tagħha, kif stipulat fl-Artikolu 13, il-paragrafu 13. Partijiet oħra huma mħeġġa biex jagħmlu dan.

8.   Il-Mekkaniżmu Finanzjarju tal-Konvenzjoni, inklużi l-entitajiet operattivi tiegħu, għandu jservi bħala l-mekkaniżmu finanzjarju ta' dan il-Ftehim.

9.   L-istituzzjonijiet li jservu dan il-Ftehim, inklużi entitajiet operattivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tal-Konvenzjoni, għandu jkollhom l-għan li jiżguraw aċċess effiċjenti għar-riżorsi finanzjarji permezz ta' proċeduri ta' approvazzjoni simplifikati u appoġġ fil-pront imtejjeb għal Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari għall-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, fil-kuntest tal-istrateġiji u l-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-klima.

Artikolu 10

1.   Il-Partijiet jikkondividu viżjoni fit-tul dwar l-importanza li jwettqu bis-sħiħ l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex itejbu r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra.

2.   Il-Partijiet, filwaqt li jqisu l-importanza tat-teknoloġija għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' mitigazzjoni u adattament skont dan il-Ftehim u jirrikonoxxu l-isforzi ta' użu u tixrid tat-teknoloġija eżistenti, għandhom isaħħu l-azzjoni kooperattiva fir-rigward tal-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija.

3.   Il-Mekkaniżmu tat-Teknoloġija stabbilit skont il-Konvenzjoni għandu jservi dan il-Ftehim.

4.   B'dan qiegħed jiġi stabbilit qafas teknoloġiku biex jipprovdi gwida ġenerali għall-ħidma tal-Mekkaniżmu tat-Teknoloġija fil-promozzjoni u fl-iffaċilitar ta' azzjoni mtejba fir-rigward tal-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, sabiex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, skont il-viżjoni fit-tul imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-aċċellerazzjoni, l-inkoraġġiment u l-iffaċilitar tal-innovazzjoni huma essenzjali għal rispons globali, effettiv u fittul għat-tibdil fil-klima u għall-promozzjoni ta' tkabbir ekonomiku u żvilupp sostenibbli. Tali sforz għandu, kif xieraq, jiġi appoġġjat, inkluż permezz tal-Mekkaniżmu tat-Teknoloġija u, permezz ta' mezzi finanzjarji, permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju tal-Konvenzjoni, għal approċċi kollaborattivi għar-riċerka u l-iżvilupp, u jiffaċilita l-aċċess għat-teknoloġija, b'mod partikolari fl-istadji bikrija taċ-ċiklu tat-teknoloġija, għall-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

6.   Għandu jiġi pprovdut appoġġ, inkluż appoġġ finanzjarju, lil Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inkluż għat-tisħiħ tal-azzjoni ta' kooperazzjoni fl-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija fi stadji differenti taċ-ċiklu tat-teknoloġija, bil-għan li jinkiseb bilanċ bejn l-appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament. Il-bilanċ globali msemmi fl-Artikolu 14 għandu jqis l-informazzjoni disponibbli dwar l-isforzi relatati mal-appoġġ fl-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija għal Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Artikolu 11

1.   Il-bini tal-kapaċità skont dan il-Ftehim għandu jtejjeb il-kapaċità u l-abbiltà tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi bl-anqas kapaċità, bħall-pajjiżi l-anqas żviluppati, u dawk li huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, bħalma huma l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, sabiex jieħdu azzjoni effettiva għat-tibdil fil-klima, inkluż, fost l-oħrajn, li jiġu implimentati l-azzjonijiet ta' adattament u mitigazzjoni, u għandu jiffaċilita l-iżvilupp tat-teknoloġija, it-tixrid u l-użu, l-aċċess għall-finanzjament għall-klima, aspetti rilevanti ta' edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni pubblika, u l-komunikazzjoni ta' informazzjoni trasparenti, f'waqtha u preċiża.

2.   Il-bini tal-kapaċità għandu jkun immexxi mill-pajjiżi, ibbażat fuq il-ħtiġijiet nazzjonali u li jirrispondi għalihom, u jippromwovi s-sjieda ta' pajjiż min-naħa tal-Partijiet, b'mod partikolari għall-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż fil-livelli nazzjonali, subnazzjonali u lokali. Il-bini tal-kapaċità għandu jkun immexxi mit-tagħlimiet meħuda, inklużi dawk mill-attivitajiet ta' bini tal-kapaċità skont il-Konvenzjoni u għandu jkun proċess effettiv u interattiv li huwa parteċipatorju, trażversali u li jirrispondi għall-ġeneru.

3.   Il-Partijiet kollha għandhom jikkooperaw biex isaħħu l-kapaċità tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jimplimentaw dan il-Ftehim. Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati għandhom isaħħu l-appoġġ għall-azzjonijiet ta' bini tal-kapaċità f'Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

4.   Il-Partijiet kollha li jsaħħu l-kapaċità tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi qed jiżviluppaw biex jimplimentaw dan il-Ftehim, inkluż permezz ta' approċċi reġjonali, bilaterali u multilaterali, għandhom jikkomunikaw regolarment dwar dawn l-azzjonijiet jew il-miżuri dwar il-bini tal-kapaċità. Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jikkomunikaw regolarment il-progress li jkun qed isir fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' bini tal-kapaċità, politiki, azzjonijiet jew miżuri biex jimplimentaw dan il-Ftehim.

5.   L-attivitajiet li jibnu l-kapaċità istituzzjonali għandhom jissaħħu permezz ta' arranġamenti istituzzjonali xierqa biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, inklużi l-arranġamenti istituzzjonali xierqa stabbiliti skont il-Konvenzjoni li jservu dan il-Ftehim. Fl-ewwel sessjoni tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, għandha tikkunsidra u tadotta deċiżjoni dwar l-arranġamenti istituzzjonali inizjali għall-bini tal-kapaċità.

Artikolu 12

Il-Partijiet għandhom jikkooperaw biex jieħdu miżuri, kif xieraq, sabiex isaħħu t-tibdil fil-klima l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-sensibilizzazzjoni pubblika, il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, u jirrikonoxxu l-importanza ta' dawn il-passi fir-rigward tat-tisħiħ tal-azzjonijiet skont dan il-Ftehim.

Artikolu 13

1.   Sabiex tinbena fiduċja reċiproka u sabiex tiġi promossa implimentazzjoni effettiva, b'dan qiegħed jiġi stabbilit qafas ta' trasparenza mtejba għall-azzjoni u l-appoġġ, bi flessibbiltà inkorporata li tqis il-kapaċitajiet differenti tal-Partijiet u tibni fuq esperjenza kollettiva.

2.   Il-qafas ta' trasparenza għandu jipprovdi flessibbiltà fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għal dawk il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom bżonnha fid-dawl tal-kapaċitajiet tagħhom. Il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu għandhom jirriflettuha din il-flessibbiltà.

3.   Il-qafas ta' trasparenza għandu jibni fuq u jsaħħaħ l-arranġamenti ta' trasparenza skont il-Konvenzjoni, filwaqt li jirrikonoxxi ċ-ċirkostanzi speċjali tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-Istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw, u jiġi implimentati b'mod li jiffaċilita, mhux punittiv u mhux intrużiv, li jħares is-sovranità nazzjonali, u jevita li jgħabbi piż żejjed fuq il-Partijiet.

4.   L-arranġamenti ta' trasparenza skont il-Konvenzjoni, inklużi komunikazzjonijiet nazzjonali, rapporti ta' kull sentejn, rapporti ta' aġġornament ta' kull sentejn, valutazzjoni u reviżjoni internazzjonali u konsultazzjoni u analiżi internazzjonali, għandhom jifformaw parti mill-esperjenza li tintuża għall-iżvilupp tal-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida skont il-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu.

5.   L-għan tal-qafas għat-trasparenza tal-azzjoni huwa li jipprovdi fehim ċar tal-azzjoni ta' tibdil fil-klima fid-dawl tal-objettiv tal-Konvenzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2, inklużi ċ-ċarezza u l-ittraċċar tal-progress għall-ilħuq tal-kontribuzzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali skont l-Artikolu 4, u l-azzjonijiet ta' adattament tal-Partijiet skont l-Artikolu 7, inkluż prassi tajba, il-prijoritajiet, il-ħtiġijiet u l-lakuni, biex jiġi informat il-bilanċ globali skont l-Artikolu 14.

6.   L-għan tal-qafas għat-trasparenza tal-appoġġ huwa li jipprovdi ċarezza dwar l-appoġġ ipprovdut u riċevut minn Partijiet individwali rilevanti fil-kuntest ta' azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima skont l-Artikoli 4, 7, 9, 10 u 11, u, sa fejn ikun possibbli, jagħti ħarsa ġenerali sħiħa lejn l-appoġġ finanzjarju aggregat ipprovdut, biex jiġi informat il-bilanċ globali skont l-Artikolu 14.

7.   Kull Parti għandha tipprovdi regolarment l-informazzjoni li ġejja:

(a)

Rapport ta' inventarju nazzjonali ta' emissjonijiet antropoġeniċi skont is-sorsi u l-assorbimenti minn bjar ta' gassijiet b'effett ta' serra, ippreparat permezz ta' metodoloġiji ta' prattika tajba aċċettati mill-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima u li ntlaħaq qbil dwaru fil-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim; kif ukoll

(b)

L-informazzjoni meħtieġa biex jiġi segwit il-progress li sar fl-implimentazzjoni u l-ksib tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tiegħu skont l-Artikolu 4.

8.   Kull Parti għandha tipprovdi wkoll informazzjoni relatata mal-impatti u l-adattament għat-tibdil fil-klima skont l-Artikolu 7, kif xieraq.

9.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi żviluppati u Partijiet oħra li jipprovdu appoġġ finanzjarju għandhom, jipprovdu informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju, għat-trasferiment tat-teknoloġiji u għall-bini tal-kapaċità pprovdut lill-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw skont l-Artikoli 9, 10 u 11.

10.   Il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju, għat-trasferiment tat-teknoloġija u għall-bini tal-kapaċità meħtieġa u rċevuti skont l-Artikoli 9, 10 u 11.

11.   L-informazzjoni sottomessa minn kull Parti skont il-paragrafi 7 u 9 ta' dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għal reviżjoni minn esperti tekniċi, skont id-Deċiżjoni 1/CP.21. Għal dawk il-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom bżonnha fid-dawl tal-kapaċitajiet tagħhom, il-proċess ta' reviżjoni għandu jinkludi assistenza biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' tisħiħ tal-kapaċità. Barra minn hekk, kull Parti għandha tipparteċipa b'mod multilaterali u li jiffaċilita l-progress fir-rigward tal-isforzi skont l-Artikolu 9, u l-implimentazzjoni u l-ilħuq rispettivi tagħha tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tagħha.

12.   Ir-reviżjoni ta' espert tekniku skont dan il-paragrafu għandha tikkunsidra l-appoġġ mogħti mill-Parti, kif rilevanti, u l-implimentazzjoni u l-kontribut tagħha għall-kisba tal-kontribuzzjoni stabbilita fil-livell nazzjonali tagħha. Ir-reviżjoni għandha tidentifika wkoll oqsma ta' titjib għall-Parti, u tinkludi reviżjoni tal-konsistenza tal-informazzjoni mal-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida msemmija fil-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li tqis il-flessibbiltà mogħtija lill-Parti skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Ir-reviżjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-kapaċitajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali rispettivi tal-Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

13.   Fl-ewwel sessjoni tagħha, il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, għandha tibni fuq l-esperjenza mill-arranġamenti relatati mat-trasparenza skont il-Konvenzjoni, u telabora fuq id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, tadotta modalitajiet, proċeduri u linji gwida komuni, kif xieraq, għat-trasparenza tal-azzjoni u l-appoġġ.

14.   Tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

15.   Għandu jingħata wkoll appoġġ għall-bini ta' kapaċità relatat mat-trasparenza ta' Partijiet li ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq bażi kontinwa.

Artikolu 14

1.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha perjodikament tevalwa l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim biex tivvaluta l-progress kollettiv għall-ilħuq tal-għan ta' dan il-Ftehim u l-miri fit-tul tiegħu (imsejħa l-“bilanċ globali”). Din għandha tagħmel dan b'mod komprensiv u li jiffaċilita, filwaqt li tikkunsidra l-mitigazzjoni, l-adattament u l-mezzi ta' implimentazzjoni u appoġġ, u fid-dawl tal-ekwità u l-aqwa xjenza disponibbli.

2.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tagħmel l-ewwel bilanċ globali tagħha fl-2023, u kull ħames snin minn hemm 'il quddiem sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

3.   Ir-riżultat tal-bilanċ globali għandu jinforma lill-Partijiet fl-aġġornament u t-titjib, b'mod stabbilit fil-livell nazzjonali, tal-azzjonijiet u tal-appoġġ tagħhom skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim, kif ukoll fit-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali għal azzjoni favur il-klima.

Artikolu 15

1.   B'dan qiegħed jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u jippromwovi l-konformità magħhom.

2.   Il-mekkaniżmu msemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jikkonsisti minn kumitat li għandu jkun ta' natura li tiffaċilita u bbażata fuq kompetenza u jaħdem b'mod li huwa trasparenti, mhux kontradittorju u mhux punittiv. Il-Kumitat għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-kapaċitajiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali rispettivi tal-Partijiet.

3.   Il-Kumitat għandu jopera, skont il-modalitajiet u l-proċeduri adottati mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim fl-ewwel sessjoni tagħha u kull sena tirrapporta lill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

Artikolu 16

1.   Il-Konferenza tal-Partijiet, il-korp suprem tal-Konvenzjoni, għandha sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

2.   Il-Partijiet għall-Konvenzjoni li mhumiex Partijiet għal dan il-Ftehim jistgħu jipparteċipaw bħala osservaturi fil-proċeduri ta' kull sezzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim. Meta l-Konferenza tal-Partijiet isservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, id-deċiżjonijiet skont dan il-Ftehim għandhom jittieħdu biss minn dawk li huma Partijiet għal dan il-Ftehim.

3.   Meta l-Konferenza tal-Partijiet isservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, kull membru tal-Bureau tal-Konferenza tal-Partijiet li jirrappreżentaw Parti għall-Konvenzjoni iżda li, f'dak il-waqt, ma jkunx Parti għal dan il-Ftehim, għandu jiġi sostitwit b'membru addizzjonali li għandu jkun elett minn u fost il-Partijiet għal dan il-Ftehim.

4.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha żżomm taħt reviżjoni regolari l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u, skont il-mandat tagħha, għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu. Għandha taqdi l-funzjonijiet assenjati lilha b'dan il-Ftehim u għandha:

(a)

Tistabbilixxi dawk il-korpi sussidjarji li jitqiesu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim; kif ukoll

(b)

Taqdi funzjonijiet oħra bħal dawn li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

5.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Konferenza tal-Partijiet u l-proċeduri finanzjarji applikati skont il-Konvenzjoni għandhom jiġu applikati mutatis mutandis skont dan il-Ftehim, ħlief fejn ikun deċiż mod ieħor b'kunsens mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

6.   L-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tissejjaħ mis-segretarjat flimkien mal-ewwel sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li tkun skedata wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. Is-sessjonijiet ordinarji sussegwenti tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandhom isiru flimkien mas-sessjonijiet ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

7.   Sessjonijiet straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandhom jiġu organizzati fi żminijiet oħra kif jitqies meħtieġ mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim, jew fuq talba bil-miktub minn kull Parti, sakemm, fi żmien sitt xhur minn meta tiġi kkomunikata t-talba lill-Partijiet mis-segretarjat, tkun appoġġjata minn tal-anqas terz tal-Partijiet.

8.   In-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji speċjalizzati tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, kif ukoll kull Stat Membru jew osservatur tagħhom li ma jkunux parti għall-Konvenzjoni, jistgħu jiġu rappreżentati f'sessjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim bħala osservaturi. Kull korp jew aġenzija, kemm jekk nazzjonali kif ukoll jekk internazzjonali, governattiva jew mhux governattiva, li tkun kwalifikata fi kwistjonijiet koperti minn dan il-Ftehim u li tkun informat lis-Segretarjat bix-xewqa tagħha li tkun rappreżentata f'sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim bħala osservatur, tista' tiġi hekk ammessa sakemm tal-anqas terz mill-Partijiet preżenti ma joġġezzjonawx. L-ammissjoni u l-parteċipazzjoni ta' osservaturi għandhom ikunu soġġetti għar-regoli ta' proċedura msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 17

1.   Is-segretarjat stabbilit bl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għandu jservi bħala s-segretarjat ta' dan il-Ftehim.

2.   L-Artikolu 8, il-paragrafu 2, tal-Konvenzjoni dwar il-funzjonijiet tas-segretarjat u l-Artikolu 8, il-paragrafu 3, tal-Konvenzjoni dwar l-arranġamenti magħmula għall-funzjonament tas-segretarjat għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim. Barra minn hekk, is-segretarjat għandu jwettaq il-funzjonijiet assenjati lilu skont dan il-Ftehim u mill-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim.

Artikolu 18

1.   Il-Korp Sussidjarju għall-Konsulenza Xjentifika u Teknoloġika u l-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni stabbiliti bl-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni għandhom iservu, rispettivament, bħala l-Korp Sussidjarju għall-Konsulenza Xjentifika u Teknoloġika u l-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-funzjonament ta' dawn iż-żewġ korpi għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim. Is-sessjonijiet tal-laqgħat tal-Korp Sussidjarju għall-Konsulenza Xjentifika u Teknoloġika u l-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu organizzati flimkien mal-laqgħat ta', rispettivament, il-Korp Sussidjarju għall-Konsulenza Xjentifika u Teknoloġika u l-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni.

2.   Il-Partijiet għall-Konvenzjoni li mhumiex Partijiet għal dan il-Ftehim għandhom jipparteċipaw bħala osservaturi fil-proċeduri ta' kull sessjoni tal-korpi sussidjarji. Meta l-korpi sussidjarji jservu bħala l-korpi sussidjarji ta' dan il-Ftehim, id-deċiżjonijiet skont dan il-Ftehim għandhom jittieħdu biss mill-Partijiet għal dan il-Ftehim.

3.   Meta l-korpi sussidjarji stabbiliti bl-Artikoli 9 u 10 tal-Konvenzjoni jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'rabta ma' kwistjonijiet li jikkonċernaw dan il-Ftehim, kull Membru tal-bureaux ta' dawk il-korpi sussidjarji li jirrappreżenta Parti għall-Konvenzjoni iżda li, f'dak il-waqt, ma jkunx Parti għal dan il-Ftehim, għandu jiġi sostitwit b'membru addizzjonali li jkun elett minn u fost il-Partijiet għal dan il-Ftehim.

Artikolu 19

1.   Korpi sussidjarji jew arranġamenti istituzzjonali oħra stabbiliti minn jew skont il-Konvenzjoni, ħlief dawk imsemmija f'dan il-Ftehim, għandhom iservu għal dan il-Ftehim b'deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim. Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim għandha tispeċifika l-funzjonijiet li għandhom iwettqu dawk il-korpi sussidjarji jew arranġamenti.

2.   Il-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għal dan il-Ftehim tista' tipprovdi gwida addizzjonali lil dawk il-korpi sussidjarji u arranġamenti istituzzjonali.

Artikolu 20

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-firma u jkun soġġett għar-ratifikazzjoni, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u l-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li huma Partijiet għall-Konvenzjoni. Għandu jkun miftuħ għall-firma fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'New York mit-22 ta' April 2016 sal-21 ta' April 2017. Minn hemm' il quddiem, dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-għada tad-data ta' għeluq għall-firma. L-istrumenti tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mad-Depożitarju.

2.   Kull organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika li ssir Parti għal dan il-Ftehim saħansitra jekk ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma huwa Parti għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha skont dan il-Ftehim. Fil-każ ta' organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika ma' wieħed jew aktar mill-Istati Membri li huma Partijiet għal dan il-Ftehim, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. F'dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri mhumiex intitolati jeżerċitaw id-drittijiet skont dan il-Ftehim fl-istess ħin.

3.   Fl-istrumenti tagħhom tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika għandhom jiddikjaraw il-firxa tal-kompetenza tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ukoll jinfurmaw lid-Depożitarju li min-naħa tiegħu għandu jinforma lill-Partijiet, dwar kull modifikazzjoni sostanzjali fil-firxa tal-kompetenza tagħhom.

Artikolu 21

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum l-għada tad-data li fiha tal-anqas 55 Parti għall-Konvenzjoni li fit-totalità tagħhom huma responsabbli għal mill-anqas 55 fil-mija tat-total tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra jkunu ddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni tagħhom.

2.   Unikament għall-iskop limitat tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, “l-emissjonijiet globali totali ta' gassijiet b'effett ta' serra” tfisser l-ammont l-aktar aġġornat ikkomunikat fid-data jew qabel id-data tal-adozzjoni ta' dan il-Ftehim mill-Partijiet għall-Konvenzjoni.

3.   Għal kull Stat jew organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika li tirratifika, taċċetta jew tapprova dan il-Ftehim jew taċċedi għalih wara li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għad-dħul fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin jum l-għada tad-data meta dan l-Istat jew din l-organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika jiddepożitaw l-istrument tagħhom tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, kull strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika ma għandux jingħadd bħala addizzjonali għal dawk iddepożitati mill-Istati Membri tagħha.

Artikolu 22

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi għall-Konvenzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

Artikolu 23

1.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-adozzjoni u l-emendar tal-Annessi għall-Konvenzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

2.   L-Annessi għal dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu u, sakemm ma jkunx espressament stipulat mod ieħor, referenza għal dan il-Ftehim tikkostitwixxi wkoll referenza għal kull Anness tiegħu. Dawn l-Annessi għandhom ikunu limitati għal listi, formoli u kull materjal ieħor ta' natura deskrittiva li huwa ta' karattru xjentifiku, tekniku, proċedurali jew amministrattiv.

Artikolu 24

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni dwar is-soluzzjoni tat-tilwim għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan il-Ftehim.

Artikolu 25

1.   Kull Parti għandu jkollha vot wieħed, ħlief kif previst fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Organizzazzjonijiet reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika, fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b'numru ta' voti li huwa ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal dan il-Ftehim. Tali organizzazzjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt tagħha li tivvota jekk xi wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu, u viċi versa.

Artikolu 26

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-Depożitarju ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 27

Ma tista' ssir ebda riżerva għal dan il-Ftehim.

Artikolu 28

1.   F'kull żmien wara tliet snin mid-data li fiha dan il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ għal Parti, dik il-Parti tista' tirtira minn dan il-Ftehim billi tagħti notifika bil-miktub lid-Depożitarju.

2.   Kull irtirar għandu jibda japplika wara li tkun għaddiet sena mid-data meta d-Depożitarju jirċievi n-notifika tal-irtirar, jew f'data aktar tard speċifikata fin-notifika tal-irtirar.

3.   Għandu jitqies li ladarba Parti tirtira mill-Konvenzjoni tkun irtirat ukoll minn dan il-Ftehim.

Artikolu 29

L-oriġinal ta' dan il-Ftehim, li t-testi bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol tiegħu huma awtentiċi bl-istess mod, għandu jiġi depożitat għand is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

MAGĦMUL f'Pariġi dan it-tnax-il jum ta' Diċembru tas-sena elfejn u ħmistax.

B'XHIEDA TA' DAN, il-firmatarji ta' hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan l-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.


Dikjarazzjoni mill-Unjoni skont l-Artikolu 20(3) tal-Ftehim ta' Pariġi

L-Istati li ġejjin huma fil-preżent Membri tal-Unjoni Ewropea: ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li, f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 191 u 192(1) tiegħu, hija għandha l-kompetenza li tidħol għal ftehimiet internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li jirriżultaw minnhom, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

is-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent;

il-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem;

l-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali;

il-promozzjoni ta' miżuri fil-livell internazzjonali sabiex jittrattaw problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari li jiġġieldu l-bidla fil-klima.

L-Unjoni Ewropea tiddikjara li l-impenn li jinsab fil-kontribut intenzjonat tagħha stabbilit fil-livell nazzjonali ppreżentat fis-6 ta' Marzu 2015 ser jintlaħaq permezz ta' azzjoni konġunta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-kompetenzi rispettivi ta' kull wieħed minnhom.

L-Unjoni Ewropea ser tkompli tipprovdi informazzjoni, fuq bażi regolari dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-grad ta' kompetenza tagħha, f'konformità mal-Artikolu 20(3) tal-Ftehim.


REGOLAMENTI

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/19


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1842

tal-14 ta' Ottubru 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni għall-prodotti organiċi importati u għal ċerti affarijiet oħrajn u r-Regolament (KE) Nru 889/2008 dwar ir-rekwiżiti għall-prodotti organiċi ppreservati jew ipproċessati u t-trażmissjoni tal-informazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 38(a), (d) u (e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (2) jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jipprevedi perjodu li matulu l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom jagħmlu t-talba tagħhom għar-rikonoxximent għall-iskop tal-konformità skont l-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Minħabba li għadha qed tiġi vvalutata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjoni tal-prodotti konformi u minħabba li għadhom qed jiġu żviluppati l-linji gwida, il-mudelli, il-kwestjonarji u s-sistema ta' trażmissjoni elettronika meħtieġa relatati, għandha tittawwal l-iskadenza biex il-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll jippreżentaw it-talbiet tagħhom.

(3)

L-esperjenza wriet li l-prattiki marbutin mal-verifika tal-kunsinni tal-prodotti organiċi qabel ma dawn jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Biex ikun hemm kontrolli konsistenti u effettivi, it-tipi ta' verifiki meħtieġa sabiex jiġu vverifikati l-kunsinni għandhom jiġu ċċarati, fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju li għandha titwettaq skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Ta' min jifformula mill-ġdid ukoll id-definizzjoni tal-awtoritajiet li huma responsabbli għall-verifika tal-kunsinni u għall-approvazzjoni taċ-ċertifikati ta' spezzjoni sabiex jiġi ċċarat li dawn l-awtoritajiet huma awtorità kompetenti responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali fil-qasam tal-produzzjoni organika u huma magħżulin skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

(4)

Ġie nnutat ukoll li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll ivarjaw fil-prattiki tagħhom b'rabta mal-klassifikazzjoni tal-prodotti li għandhom jiġu impurtati skont il-kategoriji tal-prodotti msemmija fl-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008. Għalhekk, biex ikun hemm klassifikazzjoni iktar uniformi tal-prodotti li jidħlu f'dawk il-kategoriji tal-prodotti, għandhom jiġu stabbiliti ċerti definizzjonijiet fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali għall-operaturi, sabiex ikun żgurat li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll jimplimentaw ir-regoli b'mod uniformi u sabiex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti.

(5)

Għall-kategoriji ta' prodotti li jirreferu għall-prodotti pproċessati u għal dawk li mhumiex, dawk it-termini għandu jkollhom l-istess tifsira bħalma għandhom fid-definizzjonijiet tal-prodotti pproċessati u mhux ipproċessati mogħtijin fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u konsistenza mar-regoli tal-iġjene. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li t-tikkettar u l-ippakkjar mhumiex rilevanti biex prodott jiġi kkwalifikat bħala wieħed ipproċessat jew le.

(6)

Fil-prinċipju, iż-żewġ skemi tal-importazzjoni previsti fl-Artikolu 33(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 jeskludu lil xulxin. Jekk pajjiż terz jiġi rrikonoxxut bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, ma hemmx għalfejn tiġi rrikonoxxuta awtorità ta' kontroll jew jiġi rrikonoxxut korp ta' kontroll għal dak il-pajjiż skont l-Artikolu 33(3). Minħabba f'hekk, l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jistipula li awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll jistgħu jiġu rrikonoxxuti skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 biss għal pajjiż li mhuwiex irrikonoxxut skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. Madankollu, sabiex jiġi evitat kull xkiel għall-importazzjoni tal-prodotti organiċi, il-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom ikunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti għal pajjiż terz irrikonoxxut f'każ li r-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz ma jkunx ikopri l-prodott importat. Għalhekk id-deroga li hemm fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 għandha tiġi fformulata mill-ġdid sabiex tkun tqis il-prattika fis-seħħ billi tirreferi għall-prodotti minflok ma tirreferi għall-kategorija tal-prodotti.

(7)

Abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, il-prodotti importati minn pajjiż terz jistgħu jitqegħdu fis-suq tal-Unjoni bħala prodotti organiċi jekk ikunu koperti, b'mod partikulari, b'ċertifikat ta' spezzjoni maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti, mill-awtoritajiet ta' kontroll jew mill-korpi ta' kontroll ta' pajjiż terz irrikonoxxut jew minn awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll irrikonoxxut.

(8)

Skont l-Azzjoni 12 tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Produzzjoni Organika tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej (4), il-Kummissjoni żviluppat sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika għall-importazzjonijiet tal-prodotti organiċi bħala modulu integrat fis-sistema elettronika TRACES prevista fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (5).

(9)

Ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 iridu jiġu emendati sabiex tiddaħħal is-sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika u sabiex ikun żgurat li din taħdem tajjeb. Għalhekk, ir-regoli għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera mill-awtorità doganali rilevanti tal-Istat Membru u l-fluss tax-xogħol għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' spezzjoni u għall-approvazzjoni tiegħu, fosthom il-verifika tar-rabta bejn iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u d-dikjarazzjoni doganali, għandhom jiġu ċċarati. F'dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat ukoll il-fluss tax-xogħol għall-ħruġ taċ-ċertifikat ta' spezzjoni skont proċeduri doganali speċjali u għall-approvazzjoni tiegħu. Sabiex is-sistema elettronika taħdem tajjeb, huwa xieraq li wieħed jirreferi għall-indirizzi elettroniċi tal-korpi ta' kontroll u tal-awtoritajiet ta' kontroll irrikonoxxuti.

(10)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-prodotti organiċi importati fl-Unjoni, jeħtieġ li jiġi ċċarat li, bħala regola ġenerali, il-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li toħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni hija l-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li tiċċertifika l-produttur jew il-proċessur tal-prodott. F'każ li l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ikun differenti mill-produttur jew mill-proċessur oriġinali tal-prodott, iċ-ċertifikat ta' spezzjoni jrid jinħareġ mill-korp ta' kontroll jew mill-awtorità ta' kontroll li tkun iċċekkjat l-aħħar operazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ jiġi ċċarat li l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni biss skont it-termini tar-rikonoxximent tagħhom, filwaqt li dawk imniżżlin fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament jistgħu joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni biss għall-prodotti u għall-oriġini li għalihom huma mniżżlin fih.

(11)

L-esperjenza wriet li jeżistu prattiki differenti marbutin mal-verifiki li l-korp ta' kontroll jew l-awtorità ta' kontroll li jkunu qed joħorġu ċ-ċertifikati ta' spezzjoni jridu jwettqu. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu speċifikati l-verifiki li jridu jsiru qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat. Il-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll għandhom joħorġu ċ-ċertifikat ta' spezzjoni biss wara li jwettqu verifiki kompluti tad-dokumenti u verifiki fiżiċi tal-prodotti kkonċernati fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Għall-prodotti agrikoli pproċessati, il-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 għandhom jiċċekkjaw li l-ingredjenti kollha tagħhom għaddew minn sistema ta' kontroll skont it-termini tar-rikonoxximent tal-pajjiż terz rilevanti, filwaqt li l-korpi ta' kontroll u l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness IV ta' dak ir-Regolament għandhom jiċċekkjaw li l-ingredjenti ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn korpi ta' kontroll jew minn awtoritajiet ta' kontroll li huma rrikonoxxuti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew jiċċekkjaw li dawn ġew prodotti fl-Unjoni. Bl-istess mod jeħtieġ li jiġu speċifikati l-verifiki li għandhom iwettqu l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin fl-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 li jiċċertifikaw l-operaturi tal-istadji aħħarin tal-katina tal-produzzjoni, bħal dawk li jwettqu t-tikkettar jew l-ippakkjar biss. F'każijiet bħal dawn, għandu jiġi vverifikat li l-prodotti kkonċernati ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn korpi ta' kontroll jew minn awtoritajiet ta' kontroll imniżżlin f'dak l-Anness u rrikonoxxuti għall-pajjiż u għall-kategorija tal-prodott rilevanti.

(12)

Għandhom jiġu identifikati l-awtoritajiet li huma responsabbli għall-għoti u għall-aġġornament tad-drittijiet tal-aċċess għas-sistema TRACES għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni elettronika tal-ispezzjoni. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jiżguraw li s-sistema TRACES tiżgura l-awtentiċità, l-integrità u l-leġġibbiltà tul iż-żmien tal-informazzjoni u tal-metadejta assoċjata magħha għall-perjodu kollu li matulu hemm obbligu li tinżamm din l-informazzjoni u din id-dejta.

(13)

Għandu jiġi previst ukoll skambju effettiv u effiċjenti tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri f'każijiet fejn jinstabu irregolaritajiet, b'mod partikulari meta l-prodotti jkunu ttikkettati bħala prodotti organiċi, iżda ma jkollhomx ċertifikat ta' spezzjoni magħhom.

(14)

Minħabba li l-aħħar l-awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni li ħarġu l-Istati Membri skadew fit-30 ta' Ġunju 2015, kull referenza għall-awtorizzazzjonijiet tal-importazzjoni għandha titħassar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008.

(15)

L-operaturi u l-Istati Membri għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw il-proċeduri tagħhom għaċ-ċertifikati elettroniċi ta' spezzjoni pprovduti mis-sistema TRACES. Għalhekk jeħtieġ li jiġi previst perjodu ta' tranżizzjoni li matulu jkun għadhom jistgħu jinħarġu u jiġu approvati ċ-ċertifikati ta' spezzjoni f'forma stampata.

(16)

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċertifikat elettroniku ta' spezzjoni jiffunzjona tajjeb, u b'mod partikulari sabiex jiġi ċċarat il-fatt li l-prodotti fil-fażi ta' konverżjoni huma esklużi mir-rikonoxximent mogħti lil pajjiżi terzi, sabiex ikunu armonizzati d-dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi rrikonoxxuti u sabiex il-kategorija tal-prodotti C tinbidel biex tkun tkopri l-algi, fosthom il-mikroalgi, huwa xieraq li jiġu emendati ċerti elementi tal-Annessi III u IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 mingħajr ma jinbidel il-kamp ta' applikazzjoni tar-rikonoxximenti mogħtija qabel lil pajjiżi terzi jew lil korpi ta' kontroll u lil awtoritajiet ta' kontroll.

(17)

Skont l-informazzjoni li taw l-Istati Uniti, minn Ottubru tal-2014 'l hawn f'dak il-pajjiż terz m'għadux permess it-trattament tat-tuffieħ u tal-lanġas bl-antibijotiċi sabiex tiġi kkontrollata l-marda kkawżata mill-batterju Erwinia amylovora. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li titneħħa l-limitazzjoni rilevanti għall-kategoriji tal-prodotti A u D mill-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008.

(18)

Fid-dawl tal-esperjenza li nkisbet bl-implimentazzjoni tas-sistema ta' ekwivalenza, jeħtieġ li jiġu adattati l-mudell taċ-ċertifikat ta' spezzjoni u l-mudell tal-estratti tiegħu kif stipulati fl-Annessi V u VI tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-produttur jew il-proċessur tal-prodott, kif ukoll fuq il-pajjiż rilevanti tal-oriġini, jekk dan ikun differenti mill-pajjiż tal-esportazzjoni tal-prodott.

(19)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 (6) jistabbilixxi regoli ddettaljati marbutin mal-produzzjoni, mat-tikkettar u mal-kontroll tal-prodotti organiċi.

(20)

Minħabba li d-definizzjonijiet il-ġodda tal-prodotti “ipproċessati” u “mhux ipproċessati” imdaħħlin fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 jimplikaw li ċerti operazzjonijiet inklużi fid-definizzjoni tal-preparazzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 ma għandhomx jitqiesu bħala operazzjonijiet li jinvolvu l-ipproċessar, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 26 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf ipproċessati mhux se jibqgħu ċari. Għalhekk, ir-regoli dwar il-miżuri ta' prekawzjoni li għandhom jittieħdu sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontaminazzjoni minn prodotti jew sustanzi mhux awtorizzati jew sabiex jiġi evitat it-taħlit jew l-iskambji ma' prodotti mhux organiċi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid sabiex jiġi ċċarat li dawn japplikaw, kif xieraq, għall-operaturi li jkunu qed iwettqu attivitajiet ta' preservazzjoni. Għal dak il-għan, huwa xieraq li jiġu inklużi wkoll id-definizzjonijiet tat-termini “preservazzjoni” u “pproċessar”.

(21)

It-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar il-konsenji importati skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 ukoll għandha ssir permezz tas-sistema TRACES.

(22)

Biex is-sistema ta' ċertifikazzjoni elettronika tiffunzjona tajjeb, l-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi ta' kontroll jew l-awtoritajiet ta' kontroll trid tinkludi l-indirizzi tal-posta elettronika u s-siti web tal-Internet. Huwa xieraq li tiġi stabbilita data finali ġdida għan-notifika ta' din l-informazzjoni.

(23)

Għalhekk ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 u (KE) Nru 889/2008 għandhom jiġu emendati kif xieraq.

(24)

Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel lejn is-sistema l-ġdida ta' ċertifikazzjoni elettronika, dan ir-Regolament għandu japplika minn data li tkun sitt xhur wara l-pubblikazzjoni tiegħu. Madankollu, l-emenda tal-kategorija tal-prodotti C biex din tkun tkopri l-algi, fosthom il-mikroalgi, għandha tapplika mid-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 (7) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 sabiex jippermetti l-użu tal-mikroalgi bħala ikel.

(25)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendar tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 1235/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (5) u (6) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“5.

“verifikazzjoni tal-konsenja”: se tfisser il-verifikazzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru fil-kuntest tal-kontrolli uffiċjali previsti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), li ntlaħqu r-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 u ta' dan ir-Regolament, permezz ta' verifiki sistematiċi tad-dokumenti, verifiki aleatorji tal-identità u verifiki fiżiċi, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tagħha, qabel ma l-konsenja tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament;

6.

“awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru”: se tfisser l-awtorità doganali, l-awtorità dwar is-sigurtà fl-ikel jew awtoritajiet oħrajn, nominati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, li huma responsabbli għall-verifikazzjoni tal-konsenji u għall-approvazzjoni taċ-ċertifikati ta' spezzjoni;

(*)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar is-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).”;"

(b)

qed jiżdiedu l-punti 8 sa 11 li ġejjin:

“8.

“prodotti tal-akkwakultura”: se tfisser il-prodotti tal-akkwakultura kif iddefiniti fil-punt 34 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**);

9.

“mhux ipproċessati”: se tfisser mhux ipproċessati kif użat fid-definizzjoni tal-prodotti mhux ipproċessati mogħtija fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), ikunu xi jkunu l-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

10.

“ipproċessati”: se tfisser ipproċessati kif użat fid-definizzjoni tal-prodotti pproċessati mogħtija fil-punt (o) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, ikunu xi jkunu l-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar;

11.

“punt tad-dħul”: se tfisser il-punt tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

(**)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22)."

(***)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).”"

(2)

Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tqis jekk tirrikonoxxix u tinkludix korp tal-kontroll jew awtorità tal-kontroll fil-lista prevista fl-Artikolu 3 jew le malli tirċievi talba għal dan mingħand ir-rappreżentant tal-korp tal-kontroll jew tal-awtorità tal-kontroll ikkonċernata abbażi tal-mudell ta' applikazzjoni li l-Kummissjoni tkun qegħdet għad-dispożizzjoni skont l-Artikolu 17(2). It-talbiet kompluti li jaslu qabel il-31 ta' Ottubru 2017 biss se jitqiesu għall-preparazzjoni tal-ewwel lista.”

(3)

Fl-Artikolu 7(2), il-punti (e) u (f) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“(e)

l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz tal-Internet u n-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korp jew tal-korpi ta' kontroll irrikonoxxuti mill-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (d) biex iwettqu l-kontrolli;

(f)

l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz tal-Internet u n-numru tal-kodiċi tal-awtorità jew tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korp jew tal-korpi ta' kontroll responsabbli fil-pajjiż terz għall-ħruġ taċ-ċertifikati għall-importazzjoni fl-Unjoni;”

(4)

Fl-Artikolu 9(1), il-punt (a) qed jinbidel b'dan li ġej:

“(a)

jekk, wara li pajjiż terz jiġi inkluż fil-lista, issir xi bidla fil-miżuri fis-seħħ fil-pajjiż terz jew fl-implimentazzjoni tagħhom u b'mod partikulari fis-sistema tal-kontroll tiegħu, dak il-pajjiż terz għandu jinnotifika lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa mingħajr dewmien b'kull bidla li ssir fl-informazzjoni msemmija fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 7(2) permezz tas-sistema tal-kompjuter imsemmija fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008;”

(5)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 3 qed jinbidel b'dan li ġej:

“3.   B'deroga mill-paragrafu 2(b), dawk il-prodotti li ġejjin minn pajjiż terz irrikonoxxut elenkat skont l-Artikolu 7 iżda li mhumiex koperti mir-rikonoxximent mogħti lil dak il-pajjiż terz jistgħu jiddaħħlu fil-lista prevista f'dan l-Artikolu.”

(6)

L-Artikolu 13 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 13

Ċertifikat ta' spezzjoni

1.   Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni ta' konsenja ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 u importata skont l-Artikolu 33 ta' dak ir-Regolament se jsir bil-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jiġi ppreżentat ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru;

(b)

li l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tivverifika l-konsenja u tapprova ċ-ċertifikat tal-ispezzjoni; u

(c)

li n-numru taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni jkun iddikjarat fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera msemmija fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

Il-verifikazzjoni tal-konsenja u l-approvazzjoni taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandha twettaqhom l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru f'dak l-Istat Membru fejn il-konsenja tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.

L-Istati Membri għandhom jagħżlu l-punti tad-dħul fit-territorju tagħhom u jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-punti magħżulin tad-dħul.

2.   Iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandu jinħareġ mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll rilevanti, jiġi approvat mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru u jimtela mill-ewwel destinatarju abbażi tal-mudell u tan-noti stabbiliti fl-Anness V u billi tintuża s-sistema elettronika TRACES stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (*****).

Iċ-ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni għandu jkun kopja stampata u ffirmata bl-idejn taċ-ċertifikat elettroniku komplut fis-sistema TRACES jew, alternattivament, ċertifikat ta' spezzjoni ffirmat fis-sistema TRACES b'firma elettronika avvanzata skont it-tifsira tal-Artikolu 3(11) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (******) jew b'firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti dwar il-funzjonalitajiet attribwiti lil firma billi jiġu applikati l-istess regoli u kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti elettroniċi u diġitalizzati, mogħtija fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom (*******).

Meta ċ-ċertifikat oriġinali ta' spezzjoni jkun kopja stampata u ffirmata bl-idejn taċ-ċertifikat elettroniku komplut fis-sistema TRACES, l-awtoritajiet ta' kontroll, il-korpi ta' kontroll, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru u l-ewwel destinatarju għandhom jivverifikaw f'kull stadju tal-ħruġ, tal-approvazzjoni u tal-wasla taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni li din il-kopja tkun tikkorrispondi mal-informazzjoni mogħtija fis-sistema TRACES.

3.   Sabiex ċertifikat ta' spezzjoni jiġi aċċettat għall-approvazzjoni jrid ikun inħareġ mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll tal-produttur jew tal-proċessur tal-prodott ikkonċernat jew, meta l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni jkun differenti mill-produttur jew mill-proċessur tal-prodott, mill-awtorità ta' kontroll jew mill-korp ta' kontroll tal-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni kif iddefinita fl-Artikolu 2(i) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

Dik l-awtorità ta' kontroll jew dak il-korp ta' kontroll għandhom ikunu:

(a)

awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż terz li fih oriġinaw il-prodotti jew li fih saret l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni, fejn dan ikun applikabbli; jew

(b)

awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż terz li fih oriġinaw il-prodotti jew li fih saret l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni.

4.   L-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun għamel verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti kollha rilevanti tal-ispezzjoni, fosthom b'mod partikulari l-pjan tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat, id-dokumenti tat-trasport u d-dokumenti kummerċjali, u wara li jkun wettaq verifika fiżika tal-konsenja, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu.

Madankollu, għall-prodotti pproċessati, jekk l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni jkun awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III, huwa għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun ivverifika li l-ingredjenti organiċi kollha tal-prodott kienu ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn awtorità ta' kontroll jew minn korp ta' kontroll irrikonoxxut mill-pajjiż terz ikkonċernat elenkat f'dak l-Anness, jew jekk l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ikun awtorità ta' kontroll jew korp ta' kontroll elenkat fl-Anness IV, huwa għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun ivverifika li l-ingredjenti organiċi kollha ta' dawn il-prodotti jkunu ġew ikkontrollati u ċċertifikati minn awtorità ta' kontroll jew minn korp ta' kontroll elenkat fl-Anness III jew IV jew li dawn ġew prodotti u ċċertifikati fl-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

Meta l-operatur li jkun qed iwettaq l-aħħar operazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni jkun differenti mill-produttur jew mill-proċessur tal-prodott, l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni u li jkun elenkat fl-Anness IV għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni u jiffirma d-dikjarazzjoni fil-kaxxa 18 taċ-ċertifikat biss wara li jkun għamel verifika tad-dokumenti abbażi tad-dokumenti kollha rilevanti tal-ispezzjoni, fosthom id-dokumenti tat-trasport u d-dokumenti kummerċjali, wara li jkun ivverifika li l-produzzjoni jew l-ipproċessar tal-prodott ikkonċernat ikun ġie kkontrollat u ċċertifikat minn korp ta' kontroll jew minn awtorità ta' kontroll irrikonoxxuta għall-prodotti kkonċernati u għall-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, u wara li jkun wettaq verifika fiżika tal-konsenja, fejn dan ikun xieraq skont il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu.

Fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat tal-ispezzjoni skont it-tieni u t-tielet subparagrafu għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni mingħajr dewmien il-lista tal-operaturi kollha fil-katina tal-produzzjoni organika u tal-awtoritajiet ta' kontroll jew tal-korpi ta' kontroll li dawk l-operaturi jkunu qiegħdu l-operazzjonijiet tagħhom taħt il-kontroll tagħhom.

5.   Se jkun hemm kopja oriġinali waħda taċ-ċertifikat ta' spezzjoni.

L-ewwel destinatarju jew, fejn ikun rilevanti, l-importatur, jista' jagħmel kopja taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni biex jinforma lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll skont l-Artikolu 83 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008. Kull kopja ta' dan it-tip se jkollha l-kelma “KOPJA” stampata fuqha.

6.   Mal-verifikazzjoni ta' konsenja, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tapprova ċ-ċertifikat oriġinali tal-ispezzjoni fil-kaxxa 20 u għandha tibagħtu lura lill-persuna li tkun bagħtitu.

7.   Malli jirċievi l-konsenja, l-ewwel destinatarju għandu jimla l-kaxxa 21 taċ-ċertifikat ta' spezzjoni biex jiċċertifika li l-konsenja jkun irċeviha skont l-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008.

Imbagħad l-ewwel destinatarju għandu jibgħat iċ-ċertifikat oriġinali lill-importatur imsemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.

(****)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)."

(*****)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44)."

(******)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73)."

(*******)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/563/KE, Euratom tas-7 ta' Lulju 2004 li temenda r-regolament intern tagħha (ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9).”"

(7)

Qed jiddaħħlu l-Artikoli 13a sa 13d li ġejjin:

“Article 13a

Forza maġġuri jew ċirkustanzi eċċezzjonali

1.   F'każijiet ta' forza maġġuri jew ta' ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jħallux is-sistema elettronika taħdem, u b'mod partikulari f'każijiet fejn is-sistema ma taħdimx sewwa jew fejn ma jkunx hemm konnessjoni dejjiema, iċ-ċertifikati tal-ispezzjoni u l-estratti tagħhom jistgħu jinħarġu u jiġu approvati skont l-Artikolu 13(3) sa (7) mingħajr ma tintuża s-sistema TRACES skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u abbażi tal-mudelli u tan-noti stabbiliti fl-Anness V jew VI. L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet ta' kontroll, il-korpi ta' kontroll u l-operaturi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien u għandhom idaħħlu d-dettalji kollha meħtieġa fis-sistema TRACES fi żmien għaxart ijiem tal-kalendarju minn meta s-sistema terġa' tibda taħdem.

2.   Meta ċ-ċertifikat ta' spezzjoni jinħareġ mingħajr ma tintuża s-sistema TRACES, għandu jsir f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni u jimtela kollu kemm hu b'ittri kapitali jew b'ittri stampati, minbarra t-timbri u l-firem.

Iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu jkun fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-approvazzjoni jew f'waħda minnhom. Fejn ikun hemm bżonn, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru jistgħu jitolbu għal traduzzjoni taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fil-lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew f'waħda minnhom.

Il-bidliet jew it-tħassir mhux iċċertifikat jinvalidaw iċ-ċertifikat.

3.   L-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll li jkun qed joħroġ iċ-ċertifikat ta' spezzjoni għandu jagħti numru tas-serje lil kull ċertifikat maħruġ u jżomm reġistru taċ-ċertifikati maħruġin f'ordni kronoloġika u jagħmel il-korrispondenza wara bin-numru tas-serje mogħti mis-sistema TRACES.

4.   Meta ċ-ċertifikat ta' spezzjoni jkun inħareġ u jkun ġie approvat mingħajr l-użu tas-sistema TRACES, ma għandhomx japplikaw it-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 15(1) u tal-Artikolu 15(5).

Artikolu 13b

L-importatur

L-importatur għandu jikteb in-numru taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fid-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera msemmija fl-Artikolu 158(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

Artikolu 13c

Id-drittijiet ta' aċċess

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-għoti tad-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES lill-awtoritajiet kompetenti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, lill-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiż terz irrikonoxxut skont l-Artikolu 33(2) ta' dak ir-Regolament u lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll elenkati fl-Anness III jew IV ta' dan ir-Regolament, u għall-aġġornament ta' dawk id-drittijiet. Qabel ma tagħti d-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-identità tal-awtoritajiet kompetenti, tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll ikkonċernati.

L-awtoritajiet kompetenti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(n) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 għandhom ikunu responsabbli għall-għoti tad-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES lill-operaturi, lill-awtoritajiet ta' kontroll u lill-korpi ta' kontroll fl-Unjoni, u għall-aġġornament ta' dawk id-drittijiet. Qabel ma jagħtu d-drittijiet ta' aċċess għas-sistema TRACES, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw l-identità tal-operaturi, tal-awtoritajiet ta' kontroll u tal-korpi ta' kontroll ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jagħżlu awtorità waħda li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u tal-kuntatti mal-Kummissjoni f'dan il-qasam.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom javżaw lill-Kummissjoni bid-drittijiet tal-aċċess mogħtija. Il-Kummissjoni għandha tattiva dawk id-drittijiet ta' aċċess fis-sistema TRACES.

Artikolu 13d

Integrità u leġġibbiltà tal-informazzjoni

Is-sistema TRACES għandha tħares l-integrità tal-informazzjoni mdaħħla fiha skont dan ir-Regolament.

B'mod partikulari, hija għandha toffri l-garanziji li ġejjin:

(a)

hija għandha tippermetti lil kull utent ikun identifikat b'mod ċar, u għandha tinkorpora miżuri effettivi ta' kontroll tad-drittijiet tal-aċċess sabiex ikun hemm ħarsien mill-aċċess illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat għall-informazzjoni, għall-fajls u għall-metadejta jew mit-tħassir, mill-bdil jew miċ-ċaqliq illegali, malizzjuż jew mhux awtorizzat tagħhom;

(b)

hija għandha tkun mgħammra b'sistemi fiżiċi ta' protezzjoni kontra l-indħil u l-inċidenti ambjentali, kif ukoll b'softwer ta' protezzjoni kontra l-attakki ċibernetiċi;

(c)

hija għandha tissalvagwardja d-dejta maħżuna f'ambjent li jkun sigur kemm mil-lat fiżiku kif ukoll mil-lat tas-softwer;

(d)

hija għandha tipprevjeni, b'diversi mezzi, kull tibdil mhux awtorizzat u tinkorpora mekkaniżmi tal-integrità sabiex tiċċekkja jekk l-informazzjoni tkunx inbidlet maż-żmien;

(e)

hija għandha żżomm rekord tal-awditjar għal kull stadju essenzjali tal-proċedura;

(f)

hija għandha tipprovdi proċeduri affidabbli għall-konverżjoni u għall-migrazzjoni tal-format sabiex tiżgura li l-informazzjoni tkun aċċessibbli u leġġibbli matul il-perjodu kollu meħtieġ tal-ħżin;

(g)

hija għandu jkollha dokumentazzjoni funzjonali u teknika aġġornata u ddettaljata biżżejjed dwar l-operat u l-karatteristiċi tagħha, li l-entitajiet organizzattivi responsabbli għall-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u/jew tekniċi tagħha jkollhom aċċess għaliha f'kull waqt.”

(8)

L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 qed jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Meta konsenja li tkun ġejja minn pajjiż terz titqiegħed taħt proċedura ta' ħażna doganali jew taħt proċedura ta' pproċessar attiv kif previst fir-Regolament (UE) Nru 952/2013, u tkun suġġetta għal preparazzjoni waħda jew aktar kif imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tivverifika l-konsenja kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament qabel ma ssir l-ewwel preparazzjoni. In-numru ta' referenza tad-dikjarazzjoni doganali li bih l-oġġetti jkunu ġew iddikjarati għall-proċedura ta' ħażna doganali jew għall-proċedura ta' pproċessar attiv għandu jingħata fil-kaxxa 19 taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni.

Il-preparazzjoni għandha tkun limitata għat-tipi ta' operazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ippakkjar jew l-ippakkjar mill-ġdid; jew

(b)

it-tikkettar dwar il-preżentazzjoni tal-metodu tal-produzzjoni organiku.

Wara din il-preparazzjoni, il-konsenja għandha tkun suġġetta għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament qabel ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

Wara din il-proċedura, fejn ikun rilevanti, iċ-ċertifikat oriġinali tal-ispezzjoni għandu jintbagħat lura lill-importatur tal-konsenja msemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.”;

(b)

il-paragrafu 2 qed jiġi emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu qed jinbidel b'dan li ġej:

“Għal kull wieħed mil-lottijiet li jirriżulta mit-taqsim, l-importatur imsemmi fil-kaxxa 11 taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandu jibgħat estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru permezz tas-sistema TRACES skont il-mudell u n-noti stabbiliti fl-Anness VI. Wara l-verifikazzjoni tal-lott, l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tapprova l-estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni fil-kaxxa 13 għall-finijiet tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Il-verifikazzjoni tal-lott u l-approvazzjoni tal-estratt taċ-ċertifikat tal-ispezzjoni għandha twettaqhom l-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru f'dak l-Istat Membru fejn il-lott tiġi rrilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni.”;

(ii)

ir-raba' subparagrafu qed jitħassar.

(9)

L-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, qed jiżdiedu t-tieni u t-tielet subparagrafi li ġejjin:

“Meta l-verifikazzjoni ta' konsenja minn awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru twassal biex jinstab ksur jew irregolarità li twassal għar-rifjut tal-approvazzjoni taċ-ċertifikat u tar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti, dik l-awtorità għandha tavża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan il-ksur jew b'din l-irregolarità mingħajr dewmien permezz tas-sistema TRACES.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni effettiva u effiċjenti fost l-awtoritajiet kompetenti li jkunu qed iwettqu l-kontrolli uffiċjali sabiex tiġi skambjata mingħajr dewmien l-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni ta' konsenji ta' prodotti msemmijin fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 li jkun fihom termini li jirreferu għall-metodu ta' produzzjoni organiku, iżda li ma jkunux ġew iddikjarati bħala konsenji maħsubin għall-importazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. L-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru għandha tavża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dawk is-sejbiet mingħajr dewmien permezz tas-sistema TRACES.”;

(b)

qed jiżdied il-paragrafu 5 li ġej:

“5.   L-importatur, l-ewwel destinatarju jew l-awtorità ta' kontroll jew il-korp ta' kontroll tagħhom għandu jibgħat l-informazzjoni dwar il-ksur jew l-irregolaritajiet marbuta mal-prodotti importati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati permezz tas-sistema tal-kompjuter imsemmija fl-Artikolu 94(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 permezz tas-sistema TRACES.”.

(10)

Fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 qed jinbidel b'dan li ġej:

“3.   Is-sistema tal-kompjuter prevista fil-paragrafu 1 għandha tkun tista' tiġbor it-talbiet, id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija f'dan ir-Regolament fejn dan ikun xieraq.”.

(11)

Fl-Artikolu 18, it-tieni paragrafu qed jinbidel b'dan li ġej:

“L-ewwel lista ta' pajjiżi rrikonoxxuti għandha tinkludi l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael (********), New Zealand u l-Iżvizzera. Hija m'għandux ikun fiha n-numri tal-kodiċi msemmija fl-Artikolu 7(2)(f) ta' dan ir-Regolament. Dawn in-numri tal-kodiċi se jiżdiedu qabel l-1 ta' Lulju 2010 permezz ta' aġġornament tal-lista skont l-Artikolu 17(2).

(********)  Minn hawn 'il quddiem mifhum bħala l-Istat ta' Iżrael, minbarra t-territorji li ilhom sa minn Ġunju tal-1967 taħt l-amministrazzjoni ta' Iżrael, jiġifieri l-Għoljiet ta' Golan, l-Istrixxa ta' Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.”."

(12)

L-Artikolu 19 huwa mħassar.

(13)

Qed jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:

“Artikolu 19a

Regoli ta' tranżizzjoni dwar l-użu ta' ċertifikati ta' spezzjoni li ma jinħarġux permezz tas-sistema TRACES

Sad-19 ta' Ottubru 2017, iċ-ċertifikati ta' spezzjoni msemmijin fl-Artikolu 13(1)(a) u l-estratti tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 14(2) jistgħu jinħarġu u jiġu approvati skont l-Artikolu 13(3) sa (7) mingħajr l-użu tas-sistema TRACES skont l-Artikolu 13a(1), (2) u (3) u abbażi tal-mudelli u tan-noti stabbiliti fl-Anness V jew VI.”.

(14)

L-Anness III huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

(15)

Fl-Anness IV, fil-lista tal-kategoriji tal-prodotti, il-kliem “C: Prodotti tal-akkwakultura u algi” qed jinbidel bil-kliem “C: Prodotti tal-akkwakultura u algi mhux ipproċessati”.

(16)

L-Anness V qed jinbidel bit-test mogħti fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

(17)

L-Anness VI qed jinbidel bit-test mogħti fl-Anness III ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Emendar tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, qed jiżdiedu l-punti (t) u (u) li ġejjin:

“(t)

“preservazzjoni” tfisser kull azzjoni, li tvarja mill-agrikoltura u mill-ħsad, li titwettaq fuq il-prodotti, iżda li ma tikkwalifikax bħala pproċessar kif iddefinit fil-punt (u), inklużi l-azzjonijiet kollha msemmijin fil-punt (n) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*********) u minbarra l-ippakkjar jew it-tikkettar tal-prodotti;

(u)

“ipproċessar” tfisser kull azzjoni msemmija fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004, inkluż l-użu ta' sustanzi msemmija fl-Artikolu 19(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007. L-operazzjonijiet tal-ippakkjar jew tat-tikkettar m'għandhomx jitqiesu bħala pproċessar.

(*********)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).”"

(2)

It-titlu tat-Titolu II qed jinbidel b'dan li ġej:

“TITOLU II

REGOLI DWAR IL-PRODUZZJONI, IL-PRESERVAZZJONI, L-IPPROĊESSAR, L-IPPAKKJAR, IT-TRASPORT U L-ĦAŻNA TAL-PRODOTTI ORGANIĊI”

(3)

It-titlu tal-Kapitolu 3 tat-Titolu II qed jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU 3

Prodotti pproċessati u ppreservati”

(4)

L-Artikolu 26 qed jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Regoli għall-preservazzjoni tal-prodotti u għall-produzzjoni tal-għalf u tal-ikel ipproċessati

1.   L-operaturi li jippreservaw il-prodotti jew li jipproduċu l-għalf jew l-ikel ipproċessat għandhom jistabbilixxu proċeduri adattati bbażati fuq identifikazzjoni sistematika tal-istadji kritiċi tal-ipproċessar u jaġġornawhom.

L-applikazzjoni ta' dawk il-proċeduri għandha tiżgura f'kull ħin li l-prodotti pproċessati jew ippreservati jikkonformaw mar-regoli tal-produzzjoni organika.

2.   L-operaturi għandhom jikkonformaw mal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 u jimplimentawhom. B'mod partikulari, l-operaturi għandhom:

(a)

jieħdu miżuri ta' prekawzjoni sabiex jevitaw ir-riskju ta' kontaminazzjoni minn sustanzi jew prodotti mhux awtorizzati;

(b)

jimplimentaw miżuri adattati ta' tindif, jimmonitorjaw kemm huma effettivi jirreġistraw dawk il-miżuri;

(c)

jiggarantixxu li ma jitqiegħdux prodotti mhux organiċi fis-suq b'indikazzjoni li tirreferi għall-metodu ta' produzzjoni organika.

3.   Meta fl-unità ta' preparazzjoni kkonċernata jiġu ppreparati wkoll jew jinħażnu prodotti mhux organiċi, l-operatur għandu:

(a)

jwettaq l-operazzjonijiet b'mod kontinwu sakemm ikun ġie ttrattat il-proċess kollu, u jagħmel dan f'post jew fi żmien separat minn operazzjonijiet simili mwettqin fuq prodotti mhux organiċi;

(b)

jaħżen il-prodotti organiċi, qabel u wara l-operazzjonijiet, f'post jew fi żmien separat mill-prodotti mhux organiċi;

(c)

jinforma lill-awtorità ta' kontroll jew lill-korp ta' kontroll bl-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) u jżomm disponibbli reġistru aġġornat tal-operazzjonijiet u tal-kwantitajiet kollha pproċessati;

(d)

jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura l-identifikazzjoni tal-lottijiet u biex jevita t-taħlit jew l-iskambji ma' prodotti mhux organiċi;

(e)

iwettaq l-operazzjonijiet fuq il-prodotti organiċi biss wara li t-tagħmir tal-produzzjoni jkun tnaddaf kif xieraq.

4.   L-addittivi, l-għajnuniet għall-ipproċessar u s-sustanzi u l-ingredjenti l-oħrajn użati għall-ipproċessar tal-ikel jew tal-għalf u kull prattika tal-ipproċessar applikata, bħall-affumigazzjoni, għandhom iħarsu l-prinċipji ta' prassi tajba ta' manifattura.”.

(5)

Fl-Artikolu 84, qed jiżdied it-tielet paragrafu li ġej:

“L-importatur għandu jibgħat l-informazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni paragrafu billi juża s-sistema elettronika TRACES stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE (**********).

(**********)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).”."

(6)

L-Artikolu 94(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) qed jinbidlu b'dan li ġej:

“(a)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, inklużi l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet, u wara kull bidla fiha;

(b)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, inklużi l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet, u wara kull bidla fiha;”;

(b)

qed jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e)

sat-30 ta' Ġunju 2017, l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz tal-Internet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru kif iddefiniti fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008, u wara kull bidla fihom.”.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-19 ta' April 2017. Madankollu, l-Artikolu 1(2) għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 1(15) għandu japplika mis-7 ta' Mejju 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(4)  COM(2014)179 finali.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/24/KE tat-30 ta' Diċembru 2002 li tirrigwarda l-iżvilupp ta' sistema veterinarja integrata u komputerizzata (ĠU L 8, 14.1.2003, p. 44).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/673 tad-29 ta' April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 116, 30.4.2016, p. 8).


ANNESS I

L-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Wara t-titlu “LISTA TA' PAJJIŻI TERZI U L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET RILEVANTI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 7” qed tiddaħħal in-Nota li ġejja:

Nota: Skont l-Artikolu 17(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007, l-annimali u l-prodotti tal-annimali prodotti matul il-perjodu ta' konverżjoni ma għandhomx ikunu kkummerċjalizzati fl-Unjoni bl-indikazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 24 ta' dak ir-Regolament użati fit-tikkettar u r-reklamar tal-prodotti. Għalhekk dawn il-prodotti wkoll huma esklużi mir-rikonoxximent għall-kategoriji tal-prodotti B u D għall-pajjiżi terzi kollha elenkati f'dan l-Anness.”.

(2)

Fl-entrati dwar l-Arġentina, l-Awstralja, il-Kosta Rika, l-Indja, l-Iżrael, il-Ġappun, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u New Zealand, qed titħassar in-nota f'qiegħ il-paġna “(1) L-algi mhumiex inklużi.”.

(3)

L-entrata dwar l-Arġentina qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti B u D;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A, B u F li tkabbru fl-Arġentina u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Arġentina b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Arġentina.”.

(4)

Fl-entrata dwar l-Awstralja, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Awstralja u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Awstralja b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Awstralja.”.

(5)

L-entrata dwar il-Kosta Rika qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

il-limitazzjoni “għelejjel ipproċessati biss” qed tinbidel bil-limitazzjoni “prodotti tal-pjanti pproċessati biss”;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fil-Kosta Rika u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fil-Kosta Rika b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fil-Kosta Rika.”.

(6)

Fl-entrata dwar l-Iżrael, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Iżrael u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fl-Iżrael b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Iżrael jew li ġew importati fl-Iżrael:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' skema li hija rrikonoxxuta bħala skema ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007.”.

(7)

Fl-entrata dwar il-Ġappun, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fil-Ġappun u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fil-Ġappun b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fil-Ġappun jew li ġew importati fil-Ġappun:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih il-Ġappun irrikonoxxa li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża.”.

(8)

L-entrata dwar l-Iżvizzera qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed titħassar il-limitazzjoni fuq il-kategorija tal-prodotti B;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fl-Iżvizzera u prodotti tal-kategoriji D u E pproċessati fl-Iżvizzera b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fl-Iżvizzera jew li ġew importati fl-Iżvizzera:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih l-Iżvizzera rrikonoxxiet li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Żvizzera.”.

(9)

Fl-entrata dwar it-Tuneżija, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A u F li tkabbru fit-Tuneżija u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fit-Tuneżija b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fit-Tuneżija.”.

(10)

Fl-entrata dwar l-Istati Uniti qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti A u D fil-punt 1.

(11)

L-entrata dwar New Zealand qed tiġi emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1, qed jitħassru l-limitazzjonijiet fuq il-kategoriji tal-prodotti B u D;

(b)

il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategoriji A, B u F li tkabbru fi New Zealand u prodotti tal-kategorija D ipproċessati fi New Zealand b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fi New Zealand jew li ġew importati fi New Zealand:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz fil-qafas ta' skema li hija rrikonoxxuta bħala skema ekwivalenti skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007,

jew minn pajjiż terz li r-regoli tal-produzzjoni u tal-ispezzjoni tiegħu ġew irrikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-Programm ta' Assigurazzjoni Uffiċjali tal-Ikel Organiku tal-MAF imsejjaħ “MAF Official Organic Assurance Programme” abbażi tal-assigurazzjonijiet u tal-informazzjoni pprovduti mill-awtorità kompetenti ta' dak il-pajjiż skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-MAF u sakemm jiġu importati biss ingredjenti prodotti b'mod organiku maħsuba biex jiġu inkorportati, sa massimu ta' 5 % tal-prodotti ta' oriġini agrikola, fil-prodotti tal-kategorija D ippreparati fi New Zealand.”.

(12)

Fl-entrata dwar ir-Repubblika tal-Korea, il-punt 2 qed jinbidel b'dan li ġej:

“2.

Oriġini: prodotti tal-kategorija D ipproċessati fir-Repubblika tal-Korea b'ingredjenti li tkabbru b'mod organiku fir-Repubblika tal-Korea jew li ġew importati fir-Repubblika tal-Korea:

jew mill-Unjoni,

jew minn pajjiż terz li għalih ir-Repubblika tal-Korea rrikonoxxiet li l-prodotti ġew prodotti u kkontrollati f'dak il-pajjiż terz skont regoli li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Korea.”.


ANNESS II

“ANNESS V

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS III

“ANNEX VI

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/38


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1843

tat-18 ta' Ottubru 2016

dwar il-miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditazzjoni tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mar-regoli dwar s-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikulari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula bidliet sinifikanti fir-regoli u l-proċeduri għall-kontrolli uffiċjali. Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2006. Madankollu, l-applikazzjoni b'effett immedjat minn dik id-data ta' għadd ta' regoli u proċeduri minn dawn kienet se ġġib magħha diffikultajiet prattiċi f'ċerti każijiet.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-laboratorji li jwettqu analiżi tal-kampjuni li jittieħdu waqt il-kontrolli uffiċjali jridu jkunu akkreditati skont ċerti standards Ewropej imsemmijin f'dak ir-Regolament. Madankollu, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2013 (2) jistabbilixxi ċerti miżuri tranżizzjonali, fosthom deroga minn dak ir-rekwiżit għal-laboratorji, biex jippermetti tranżizzjoni mingħajr xkiel għall-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli u l-proċeduri l-ġodda. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 702/2013 japplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

(3)

Ir-Rapport tat-28 ta' Lulju 2009 tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-esperjenza miksuba mill-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 852/2004, (KE) Nru 853/2004 u (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene (3), (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Rapport”), “jimmira li jippreżenta l-esperjenza miksuba b'mod fattwali, inklużi d-diffikultajiet li l-partijiet interessati ltaqgħu magħhom fl-2006, fl-2007 u fl-2008 matul l-implimentazzjoni tal-pakkett [dwar l-iġjene]”.

(4)

Ir-rapport jinkludi l-esperjenzi miksuba b'rabta mal-miżuri tranżizzjonali, inklużi dawk stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004. Ir-rapport jindika li għad hemm diffikultajiet b'rabta mal-akkreditament tal-laboratorji li jkunu jinsabu fil-biċċeriji.

(5)

Fis-6 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, tar-regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti, dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti, u dwar prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (4). Dik il-proposta tistipula t-tħassir tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 u tipprevedi deroga possibbli mill-akkreditazzjoni għal-laboratorji uffiċjali li l-unika attività tagħhom hija li jiċċekkjaw jekk hemmx it-Trichinella fil-laħam.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistipula miżuri tranżizzjonali oħrajn sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw dak ir-Regolament il-ġdid.

(7)

Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi stipulat perjodu tranżizzjonali ieħor li matulu għandhom ikomplu japplikaw il-miżuri tranżizzjonali rilevanti li bħalissa hemm stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 702/2013.

(8)

Il-miżuri stipulati f' dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri tranżizzjonali għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għal perjodu tranżitorju mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-awtorità kompetenti tista' taħtar laboratorju li jwettaq testijiet uffiċjali għat-Trichinella u li jkun jinsab f'biċċerija jew fi stabbiliment li jittratta t-tjur, dejjem jekk il-laboratorju, għalkemm ma jkunx akkreditat skont l-istandard Ewropew imsemmi fil-punt (a) ta' dak il-paragrafu, jipprovdi lill-awtorità kompetenti garanziji sodisfaċenti li għandu fis-seħħ skemi għall-kontroll tal-kwalità għall-analiżijiet tal-kampjuni li jwettaq bl-iskop ta' kontrolli uffiċjali.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 dwar miżuri tranżitorji għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-akkreditament tal-laboratorji uffiċjali li jwettqu t-testijiet uffiċjali għat-Trichinella u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1162/2009 (ĠU L 199, 24.7.2013, p. 3).

(3)  COM(2009) 403 finali.

(4)  COM(2013) 265 finali.


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/40


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1844

tat-18 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

133,9

ZZ

133,9

0707 00 05

TR

145,2

ZZ

145,2

0709 93 10

TR

154,9

ZZ

154,9

0805 50 10

AR

91,3

CL

95,5

TR

85,9

UY

51,6

ZA

73,6

ZZ

79,6

0806 10 10

BR

278,4

EG

169,2

TR

151,7

ZZ

199,8

0808 10 80

AR

191,8

AU

196,9

BR

124,9

CL

154,2

NZ

137,0

ZA

117,5

ZZ

153,7

0808 30 90

CN

75,0

TR

134,9

ZZ

105,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/42


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1845

tat-18 ta' Ottubru 2016

li jistabbilixxi l-koeffiċjent tal-allokazzjoni li jrid jiġi applikat għall-applikazzjonijiet għal għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 tat-8 ta' Settembru 2016 biex tiġi pprovduta għajnuna għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1612 jipprevedi għajnuna għall-produtturi tal-ħalib li jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-kunsinni tal-ħalib tal-baqra tagħhom għal perjodu ta' tliet xhur. Dik l-għajnuna tingħata skont l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. Jekk il-volum aggregat kopert mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna ammissibbli u plawżibbli notifikati jaqbeż il-volum massimu totali msemmi fl-Artikolu 1(1) ta' dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom japplikaw koeffiċjent tal-allokazzjoni għall-kwantità koperta minn kull applikazzjoni għall-għajnuna.

(2)

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna mressqa għall-perjodu ta' Novembru 2016, Diċembru 2016 u Jannar 2017 jaqbżu l-volum massimu totali. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit koeffiċjent tal-allokazzjoni.

(3)

Għall-implimentazzjoni rapida tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1612, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni li jrid jiġi applikat għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għall-għajnuna għat-tnaqqis tal-kunsinni tal-ħalib tal-baqra f'Novembru 2016, Diċembru 2016 u Jannar 2017 skont ir-Regolament Delegat (UE) 2016/1612 għandu jkun ta' 0,12462762.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 242, 9.9.2016, p. 4.


DEĊIŻJONIJIET

19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1846

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-miżura SA.41187 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa mill-impriżi tal-industrija tat-tabakk

(notifikata bid-dokument C(2016) 4049)

(It-test Ungeriż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

F'Marzu 2015, il-Kummissjoni saret taf b'kontribuzzjoni ġdida għas-saħħa imposta mill-Ungerija fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk. Bl-ittra tat-13 ta' April 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-Ungerija dwar din il-miżura, li biha infurmat ukoll lill-awtoritajiet Ungeriżi li kienet sejra tqis il-ħruġ ta' deċiżjoni ta' twissija ta' sospensjoni skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2).

(2)

Bl-ittra tat-12 ta' Mejju 2015, l-Ungerija wieġbet għal din it-talba għal informazzjoni. Madankollu, l-Ungerija ma pprovdiet l-ebda kumment dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ twissija ta' sospensjoni.

(3)

Fil-15 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem: “it-Trattat”) fir-rigward tal-kontribuzzjoni għas-saħħa imposta fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk (id-“Deċiżjoni ta' Ftuħ”). Il-Kummissjoni ordnat ukoll is-sospensjoni immedjata tal-miżura fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(4)

Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). B'din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati. Fl-20 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Ungerija, li ngħatat l-opportunità li twieġeb. L-Ungerija ma weġbitx għal dawn il-kummenti.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

(6)

Fis-16 ta' Diċembru 2014, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att XCIV tal-2014 dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa għas-sena 2015 tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk (“l-Att”), L-Att jimponi taxxa, li ssir referenza għaliha bħala “kontribuzzjoni għas-saħħa”, li hija imposta fuq il-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija u japplika flimkien ma' taxxi kummerċjali eżistenti fl-Ungerija, b'mod partikolari, it-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji. It-taxxa hija imposta fuq l-operaturi tal-imħażen awtorizzati, l-importaturi jew kummerċjanti rreġistrati tal-prodotti tat-tabakk. L-għan iddikjarat tal-Att huwa li jinġabru fondi għall-finanzjament tas-sistema tas-saħħa sabiex tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa.

(7)

It-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa hija dovuta fuq il-fatturat annwali ġġenerat fis-sena ta' qabel is-sena fiskali miksub mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija, bil-kundizzjoni li l-fatturat minn dawn l-attivitajiet ikun tal-inqas 50 % tat-total tal-fatturat annwali ġġenerat mill-impriża. L-ebda tnaqqis tal-ispejjeż ma huwa pprvodut, apparti l-ispejjeż ta' ċerti investimenti fis-sena fiskali. It-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa hija progressiva fin-natura tagħha. Il-kontribuzzjoni applikabbli tiddependi fuq il-fatturat annwali tal-kontribwent kif ġej:

Għall-parti tal-fatturat taħt it-HUF 30 biljun: 0,2 % b'minimu ta' HUF 30 miljun

Għall-parti tal-fatturat bejn it-HUF 30 biljun u s-60 biljun: 2,5 %

Għall-parti tal-fatturat li jaqbeż is-HUF 60 biljun: 4,5 %

(8)

Skont it-Taqsima 6(6) tal-Att, l-obbligu tat-taxxa li jirriżulta mit-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa jista' jitnaqqas sa 80 % tal-kontribuzzjoni pagabbli jekk il-kumpanija tagħmel investimenti li jkunu konformi mad-definizzjoni stabbilita fil-punt (7) tal-Artikolu 3(4) tal-Att C tal-2000 dwar il-Kontabilità (4). It-tnaqqis huwa ugwali għad-differenza pożittiva bejn 30 % tal-ammont li kien meqjus bħala investiment fis-sena fiskali u l-ammont tas-sussidju tal-Istat jew tal-UE użat għall-implimentazzjoni tal-proġett ta' investiment.

(9)

L-Att jipprevedi li dikjarazzjoni tat-taxxa għandha tiġi sottomessa sat-30 ta' Ġunju 2015 u li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa għandha titħallas fi żmien 30 ġurnata wara din l-iskadenza.

(10)

L-Att daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 2015 u, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kellu japplika fuq bażi temporanja sal-31 ta' Diċembru 2015. Fl-24 ta' Ġunju 2015, ġiet ippubblikata emenda għall-Att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Ungerija, li għamlet it-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa permanenti.

3.   IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Raġunijiet għall-bidu ta' proċedura ta' investigazzjoni formali

(11)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali peress li laħqet il-konklużjoni preliminari li l-istruttura progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa (ir-rati u l-kategoriji tal-fatturat) u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti (minn hawn 'il quddiem imsejħin kollettivament bħala: “il-miżuri kkontestati”) ikkostitwixxew għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

(12)

Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li r-rati progressivi tat-taxxa stabbiliti mill-Att jagħmlu differenza bejn l-impriżi bbażati fuq il-fatturat tagħhom u jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi b'fatturat baxx u b'hekk lill-impriżi iżgħar. Il-Kummissjoni ma kinitx konvinta li l-impriżi b'fatturat aktar sinifikanti huma kapaċi jinfluwenzaw is-suq tal-prodotti u jiġġeneraw aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip sal-punt li l-applikazzjoni tar-rati progressivi tat-taxxa tkun iġġustifikata, kif argumentaw l-awtoritajiet Ungeriżi.

(13)

Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni wkoll li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa ta' kontribwent bil-kundizzjoni li jsiru investimenti tagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi li jkunu għamlu investimenti bħal dawn. Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, li għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, dehret li kienet inkonsistenti mal-objettiv iddikjarat tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa, jiġifieri li jinħolqu fondi għas-sistema tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa minħabba l-fatt li t-tipjip għandu rwol prominenti fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti f'aktar spejjeż tas-saħħa.

(14)

Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri kkontestati dehru li la kienu ġġustifikati mill-għamla jew mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa u lanqas ma kienu kompatabbli mas-suq intern.

3.2.   Kummenti mingħand il-partijiet interessati

(15)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand żewġ partijiet interessati li laqgħu d-Deċiżjoni ta' Ftuħ u qablu mal-valutazzjoni preliminari tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni. Huma wrew it-tħassib tagħhom dwar l-emendi possibbli għall-Att u dwar kull miżura oħra simili li tista' tiġi adottata mill-awtoritajiet Ungeriżi.

(16)

Waħda mill-partijiet interessati enfasizzat li t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' ċerti investimenti għandu japplika esklussivament għall-investimenti fl-Ungerija, minħabba li, skont ir-regolamenti tat-taxxa tas-sisa tal-Ungerija, huwa meħtieġ li kumpanija tkun inkorporata u jkollha s-sede tagħha fl-Ungerija sabiex din il-kumpanija tkun liċenzjata biex tbigħ jew tipproduċi t-tabakk fl-Ungerija. Għalhekk, l-investimenti li tqiesu għall-finijiet tal-Att huma dawk l-investimenti li saru fl-Ungerija jew minn kumpaniji Ungeriżi li huma proprjetà tal-Ungeriżi stess jew minn sussidjarji residenti fl-Ungerija ta' multinazzjonali barranin.

3.3.   Il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi

(17)

L-awtoritajiet Ungeriżi ma jaqblux mas-sejbiet tal-Kummissjoni li l-miżuri kkontestati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Essenzjalment, huma jargumentaw li l-miżuri mhumiex selettivi. Fir-rigward tal-progressività tar-rati tat-taxxa, l-awtoritajiet Ungeriżi jsostnu li fil-każ ta' piżijiet pubbliċi, il-qafas ta' referenza huwa speċifikat mill-bażi tat-taxxa u mir-rata tat-taxxa (inkluż sistema ta' rati tat-taxxa progressivi) b'mod konġunt u li l-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni fattwali huma dawk li l-fatturat tagħhom huwa l-istess. F'dan is-sens, taħt is-sistema progressiva ta' rati, li tapplika kategoriji tat-taxxa, l-entitajiet bl-istess bażi tat-taxxa ta' projezzjoni huma soġġetti għall-istess rata u l-ammont ikkalkolat tat-taxxa huwa identiku wkoll. Għalhekk, skont l-awtoritajiet Ungeriżi, is-sistema progressiva tar-rati tat-taxxa ma toħloqx differenzazzjoni peress li l-kumpaniji fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali huma soġġetti għall-istess rata tat-taxxa, u b'hekk mhijiex selettiva.

(18)

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, l-awtoritajiet Ungeriżi jargumentaw li l-Att ma jagħmilx distinzjoni skont it-tip jew il-valur tal-investiment u ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-operaturi li jwettqu l-investiment. L-impriżi li jimplimentaw l-istess valur tal-investiment jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Huma jenfasizzaw li t-tnaqqis ma japplikax esklussivament għall-investimenti li jitwettqu fl-Ungerija u li l-valur tal-investimenti kollha jista' jitqies għall-kalkolu. L-awtoritajiet Ungeriżi jinnutaw ukoll li l-kalkolu tal-valur tal-investiment huwa soġġett għad-definizzjoni tal-investiment u għall-kalkolu tal-valur tal-investiment skont l-Att dwar il-Kontabilità li jmur lil hinn mill-ambitu tal-Att dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk.

3.4.   Kummenti mill-Ungerija dwar il-kummenti tal-partijiet interessati

(19)

L-Ungerija ma weġbitx għall-kummenti mill-partijiet interessati, li ntbagħtulha b'ittra fl-20 ta' Ottubru 2015.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

4.1.   Il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE

(20)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “Ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(21)

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dan il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabilità lill-Istat

(22)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun iffinanzjata permezz ta' riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli għal Stat Membru.

(23)

Peress li l-miżuri kkontestati jirriżultaw minn Att tal-Parlament Ungeriż, huma kjarament imputabbli għall-Istat Ungeriż.

(24)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżura mir-riżorsi tal-Istat, fejn ir-riżultat ta' miżura jkun li l-Istat jitlef dħul li inkella jkollu jiġbor mingħand impriża f'ċirkustanzi normali, din il-kundizzjoni hija ssodisfata wkoll (5). F'dan il-każ, l-Istat Ungeriż jirrinunzja riżorsi li inkella kien jiġbor mingħand impriżi b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar), li kieku kienu soġġetti għall-istess kontribuzzjoni tas-saħħa bħall-impriżi b'livell ogħla ta' fatturat (u b'hekk impriżi ikbar).

4.1.2.   Vantaġġ

(25)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett ta' għajnuna ma jkoprix biss il-benefiċċji pożittivi, iżda anki miżuri li, f'forom varji, jimmitigaw it-tariffi li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta' impriża (6). Vantaġġ jista' jingħata permezz ta' tipi differenti ta' tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta' kumpanija u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli, il-bażi taxxabbli jew fl-ammont tat-taxxa dovuta (7). Għad li miżura ta' tnaqqis tat-taxxa ma tinvolvix trasferiment pożittiv ta' riżorsi mill-Istat, twassal għal vantaġġ għaliex tqiegħed lill-impriżi li tapplika għalihom f'pożizzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn kontribwenti oħrajn u tirriżulta f'telf fid-dħul għall-Istat (8).

(26)

L-Att jistabbilixxi rati progressivi ta' tassazzjoni li japplikaw għall-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ ta' prodotti tat-tabakk fl-Ungerija skont il-kategoriji li fihom jaqa' fatturat ta' impriża. In-natura progressiva ta' dawn ir-rati għandha l-effett li żżid il-perċentwal tat-taxxa imposta fuq il-fatturat ta' impriża b'mod progressiv skont in-numru ta' kategoriji li fihom jaqa' dak il-fatturat. Dan għandu r-riżultat li l-impriżi b'fatturat baxx (impriżi iżgħar) jiġu ntaxxati b'rata medja sostanzjalment inqas minn impriżi b'fatturat għoli (impriżi ikbar). Il-fatt li huma ntaxxati b'din ir-rata medja sostanzjalment inqas jimmitiga t-tariffi li jridu jġarrbu l-impriżi b'fatturat baxx meta mqabblin mal-impriżi b'fatturat għoli u, għalhekk, dan jikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju ta' impriżi iżgħar meta mqabblin mal-impriżi ikbar għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(27)

Bl-istess mod, il-possibbiltà ta' tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa ta' impriża skont l-Att sa 80 % fil-każ ta' investimenti mwettqa fis-sena fiskali, tikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi li jkunu għamlu investimenti bħal dawn, minħabba li tnaqqas il-bażi tat-taxxa tagħhom u b'hekk il-piż tat-taxxa tagħhom meta mqabbla ma' dawk l-impriżi li ma jistgħux jibbenefikaw minn dan it-tnaqqis.

4.1.3.   Selettività

(28)

Miżura hija selettiva jekk tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Għal skemi fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-selettività tal-miżura għandha, fil-prinċipju, tiġi vvalutata permezz ta' analiżi maqsuma fi tliet stadji (9). L-ewwel jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta' referenza”. It-tieni, għandu jiġi stabbilit jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema peress li tiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, din ma tkunx selettiva. Jekk iva (u għalhekk tkun selettiva prima facie), irid ikun stabbilit, fit-tielet stadju tal-analiżi, jekk il-miżura derogatorja hijiex iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa (ta' referenza) (10). Jekk miżura selettiva prima facie tkun iġġustifikata mill-għamla jew mill-iskema ġenerali tas-sistema, mhijiex sejra titqies li hija selettiva u, b'hekk, sejra taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.1.   Sistema ta' referenza

(29)

F'dan il-każ, is-sistema ta' referenza hija l-applikazzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa speċjali fuq l-impriżi fir-rigward tal-fatturat li jiksbu mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-istruttura tar-rata progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa tista' tifforma parti minn dik is-sistema ta' referenza.

(30)

Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja (11), mhux dejjem biżżejjed li l-analiżi tas-selettività tiġi limitata għal jekk il-miżura jkollhiex deroga mis-sistema ta' referenza kif definita mill-Istat Membru. Hemm bżonn li jiġi evalwat ukoll jekk il-limiti ta' dik is-sistema tfasslux mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, inkella, tfasslux b'mod arbitrarju jew bi preġudizzju ċar, b'tali mod li jiffavorixxu lil ċerti impriżi fuq oħrajn. Inkella, minflok ma jistabbilixxi regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha li minnhom issir deroga għal ċerti impriżi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, filwaqt li jevita r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta u jgħaqqad ir-regoli tiegħu b'tali mod li l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta f'piż differenti għal impriżi differenti (12). Huwa partikolarment importanti li jitfakkar li, f'dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b'konsistenza li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta' intervent mill-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-iskopijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom b'rabta mal-effetti tagħhom u, b'hekk, b'mod indipendenti mit-tekniki użati (13).

(31)

Filwaqt li l-applikazzjoni ta' taxxa fissa imposta fuq il-fatturat annwali li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija hija mezz xieraq biex jinġabru l-fondi għall-finanzjament tas-sistema tas-saħħa, l-istruttura tat-taxxa progressiva introdotta mill-Att tidher li hija mfassla apposta mill-Ungerija sabiex tiffavorixxi ċerti impriżi minn oħrajn. Skont l-istruttura tat-taxxa progressiva introdotta taħt l-Att, l-impriżi soġġetti għat-taxxa huma soġġetti għal rati tat-taxxa differenti li jiżdiedu b'mod progressiv għal 4,5 % skont il-kategoriji li fihom jaqa' l-fatturat tagħhom. Għaldaqstant, rata ta' taxxa medja differenti tapplika għal dawk l-impriżi soġġetti għall-kontribuzzjoni tas-saħħa skont il-livell tal-fatturat tagħhom (jekk taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Att).

(32)

Minħabba li kull kumpanija hija ntaxxata b'rata differenti, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika rata ta' referenza waħda fil-kontribuzzjoni għas-saħħa. L-Ungerija la ppreżentat xi rata speċifikata bħala r-rata ta' referenza jew ir-rata “normali”, la spjegat għaliex rata ogħla tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali għal impriżi b'livell għoli ta' fatturat, u lanqas ma spjegat għaliex għandhom japplikaw rati inqas għal impriżi b'livelli baxxi ta' fatturati.

(33)

Għaldaqstant, l-effett tal-istruttura tar-rata progressiva introdotta mill-Att huwa li impriżi differenti jħallsu livelli differenti ta' taxxa (espressi bħala sehem mill-fatturat annwali kumplessiv tagħhom) skont id-daqs tagħhom u, peress li l-ammont ta' fatturat li tagħmel impriża huwa korrelatat sa ċertu punt mad-daqs ta' dik l-impriża. Madankollu, l-objettiv iddikjarat tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li jinġabru fondi għas-sistema tal-kura tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa fl-Ungerija fid-dawl tal-fatt li t-tipjip għandu rwol prominenti fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinfikanti f'aktar spejjeż tas-saħħa. Il-Kummissjoni tqis li l-istruttura tar-rata progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa ma tirriflettix ir-relazzjoni bejn il-ġenerazzjoni ta' effetti negattivi dwar is-saħħa min-negozjanti u mill-produtturi tal-prodotti tat-tabakk u l-fatturat tagħhom.

(34)

Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi kollha soġġetti għall-kontribuzzjoni għas-saħħa huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, irrispettivament mil-livell ta' fatturat tagħhom, u l-Ungerija ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni konvinċenti dwar id-diskriminazzjoni bejn dawk it-tipi ta' impriżi f'dak li għandu x'jaqsam mal-imposta fuq il-kontribuzzjoni tas-saħħa. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi minn (42) sa (48) ta' hawn taħt. Għalhekk, l-Ungerija deliberatament fasslet il-kontribuzzjoni għas-saħħa b'tali mod li tiffavorixxi b'mod arbitrarju ċerti impriżi, jiġifieri dawk b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar), u tpoġġi impriżi oħrajn fi żvantaġġ jiġifieri l-impriżi ikbar (14).

(35)

Għalhekk, is-sistema ta' referenza hija deliberatament selettiva b'tali mod li mhijiex iġġustifikata fid-dawl tal-objettiv tal-kontribuzzjoni għas-saħħa, jiġifieri li jinġabru fondi għas-sistema tas-saħħa Ungeriża. Għaldaqstant, is-sistema ta' referenza xierqa f'dan il-każ hija l-impożizzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi li joperaw fl-Ungerija fuq il-bażi tal-fatturat tagħhom, bla ma l-istruttura tar-rata progressiva tkun parti minn dik is-sistema.

4.1.3.2.   Deroga mis-sistema ta' referenza

(36)

Bħala t-tieni stadju, hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza favur ċerti impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tas-sistema ta' referenza.

(37)

Kif spjegat fil-premessa 31, l-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li tiġi ffinanzjata s-sistema tal-kura tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fl-Ungerija. Kif spjegat f'aktar dettall fil-premessa 34, l-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk għandhom jitqiesu li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali kumparabbli fid-dawl ta' dak l-objettiv, irrispettivament mid-daqs u mil-livell tal-fatturat tagħhom.

(38)

Għalhekk, il-progressività tal-istruttura tar-rata tal-kontribuzzjoni għas-saħħa toħloq differenza fost l-impriżi li jkomplu l-attività tal-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija fuq il-bażi tad-daqs tagħhom.

(39)

Tabilħaqq, minħabba n-natura progressiva tar-rati stabbiliti mill-Att, l-impriżi b'fatturat li jaqa' fil-kategoriji l-aktar baxxi huma soġġetti għal tassazzjoni sostanzjalment aktar baxxa mill-impriżi b'fatturat li jaqa' f'kategoriji ogħla. Dan jirriżulta fl-impriżi b'fatturat baxx ikunu soġġetti kemm għal rati tat-taxxa marġinali sostanzjalment aktar baxxi kif ukoll għal rati tat-taxxa medji sostanzjalment aktar baxxi meta mqabblin ma' impriżi b'livelli ta' fatturat għoljin, u għalhekk għal tassazzjoni sostanzjalment baxxa għall-istess attivitajiet. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura tar-rata progressiva introdotta mill-Att tagħti deroga mis-sistema ta' referenza li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta' kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-operaturi kollha involuti fil-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija favur l-impriżi b'fatturat aktar baxx.

(40)

Bl-istess mod, il-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa ta' impriża skont l-Att sa 80 % fil-każ ta' investiment tagħmel differenza bejn impriżi li jkunu għamlu investimenti u impriżi li ma jkunux għamlu investimenti. Madankollu, fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa identifikat hawn fuq, l-impriżi li jkunu għamlu investimenti u l-impriżi li ma jkunux għamlu investimenti jkunu f'sitwazzjoni fattwali u legali kumparabbli, peress li l-fatt li impriża tagħmel investimenti ma jagħmel xejn għat-tnaqqis tal-esternalitajiet negattivi kkawżati mit-tipjip. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà ta' tnaqqis ta' obbligu tat-taxxa ta' impriża fil-każ ta' investimenti, li għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, jidher li huwa inkonsistenti mal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tal-Att li jipprovdu għat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment jagħmlu differenza bejn l-impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali kumparabbli fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u b'hekk toħloq deroga mis-sistema ta' referenza.

(41)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri huma selettivi prima facie.

4.1.3.3.   Ġustifikazzjoni

(42)

Miżura li tagħti deroga mis-sistema ta' referenza mhijiex selettiva jekk tkun iġġustifikata min-natura jew mill-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ fejn hija r-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti neċessarji għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (15). Huwa l-Istat Membru li għandu jipprovdi tali ġustifikazzjoni. Għal dan il-għan, l-objettivi tal-politika esterna — bħall-objettivi tal-politika reġjonali, ambjentali jew industrijali — ma jistgħux jintużaw bħala raġuni mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw it-trattament differenzjat tal-impriżi skont ċertu reġim.

(43)

L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li l-kontribuzzjoni għas-saħħa hija dovuta fuq il-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti li jikkawżaw riskju għas-saħħa u mhijiex marbuta mal-profitt tal-operaturi ekonomiċi, filwaqt li r-rata tat-taxxa hija aġġustata għall-kapaċità ta' tagħbija tal-entitajiet taxxabbli. Skont l-awtoritajiet Ungeriżi, l-abbiltà li jħallsu u l-livell tar-riskju ġġenerat mill-impriżi huma riflessi mis-sehem tas-suq tagħhom u mit-tmexxija tas-suq u b'hekk, mir-rwol tagħhom orjentat lejn il-prezzijiet aktar milli mill-profittabilità tagħhom. Il-profitt, bħala l-bażi tal-kontribuzzjoni, huwa l-inqas fattur adattat għall-espressjoni tad-dannu għas-saħħa ġġenerat mis-suġġetti tal-kontribuzzjoni permezz tal-attività tagħhom. Barra minn hekk, meta mqabblin ma' impriżi b'fatturat baxx, l-impriżi b'fatturat u sehem tas-suq aktar sinifikanti huma aktar kapaċi jinfluwenzaw is-suq ta' prodott milli d-differenza bejn il-livelli tal-fatturat tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-objettiv tal-kontribuzzjoni, dan jinvolvi wkoll li operatur ekonomiku li jakkwista fatturat ogħla fis-suq tal-prodotti tat-tabakk jiġġenera wkoll ħafna aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip.

(44)

F'dan il-każ, minħabba ż-żidiet relattivi sostanzjali tar-rata tat-taxxa progressiva, il-Kummissjoni ma tqisx li l-abbiltà li jsir il-ħlas tista' sservi bħala prinċipju ta' gwida għat-tassazzjoni bbażata fuq il-fatturat. Għall-kuntrarju tat-taxxi bbażati fuq il-profitt (16), taxxa bbażata fuq il-fatturat ma tqisx l-ispejjeż imġarrba fil-ġenerazzjoni tal-fatturat. Għalhekk, fin-nuqqas ta' evidenza speċifika li turi l-kontra, jidher dubjuż li s-sempliċi ammont tal-fatturat iġġenerat bħala tali — irrispettivament mill-ispejjeż imġarrba — jirrifletti l-abbiltà li l-impriża kapaċi tħallas. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex konvinta li, meta mqabblin ma' impriżi b'fatturat aktar baxx, l-impriżi b'fatturat aktar sinifikanti huma kapaċi jinfluwenzaw is-suq tal-prodotti u awtomatikament jiġġeneraw aktar effetti negattivi fuq is-saħħa relatati mat-tipjip sal-punt li l-applikazzjoni tar-rati tat-taxxa progressivi tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-fatturat, kif adottat taħt l-Att.

(45)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li, anke jekk l-abbiltà li jsir il-ħlas u l-effetti negattivi fuq is-saħħa jistgħu jitqiesu bħala prinċipji inerenti tal-fatturat ibbażat fuq il-kontribuzzjoni għas-saħħa, dan jiġġustifika biss rata tat-taxxa lineari, kemm-il darba jintwera li l-abbiltà li jsir il-ħlas u l-ġenerazzjoni tal-effetti negattivi fuq is-saħħa jiżdiedu b'mod progressiv b'żieda fil-fatturat. Il-Kummissjoni tqis li r-rati progressivi għat-taxxi fuq il-fatturat jistgħu jkunu ġġustifikati biss jekk l-objettiv speċifiku segwit minn taxxa tabilħaqq ikun jeħtieġ rati progressivi, jiġifieri, pereżempju, jekk jintwera li l-esternalitajiet maħluqa minn attività li t-taxxa hija mistennija li tindirizza jiżdiedu wkoll b'mod progressiv. Il-mudell tal-progressività jeħtieġ li jiġi ġġustifikat ukoll. B'mod partikolari, jeħtieġ li jiġi spjegat għaliex fatturat ogħla minn HUF 60 biljun għandu 22 darba l-effett fuq is-saħħa ta' fatturat inqas minn HUF 30 biljun. L-ebda ġustifikazzjoni bħal din ma ngħatat mill-Ungerija.

(46)

Il-Kummissjoni mhijiex konvinta li d-dannu għas-saħħa kkawżat mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk jiżdied b'mod progressiv bil-fatturat iġġenerat u skont iż-żidiet fir-rata tat-taxxa applikabbli taħt il-miżura. Barra minn hekk, il-kundizzjoni li l-fatturat li jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk ikun mill-inqas sa 50 % tat-total tal-fatturat annwali ġġenerat mill-impriża li għandu jkun soġġett għall-kontribuzzjoni tas-saħħa tidher ukoll li tikkontradixxi l-ġustifikazzjoni tal-progressività tat-taxxa abbażi tal-effetti tal-prodotti tat-tabakk fuq is-saħħa. Fid-dawl tal-objettiv tat-taxxa, dan ir-rekwiżit ifisser li l-prodotti tat-tabakk li jitqiegħdu fis-suq minn kumpaniji li l-fatturat tagħhom miksub mill-produzzjoni ta' u mill-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk jammonta għal inqas minn 50 % ma jkollhomx effetti negattivi fuq is-saħħa bħall-prodotti li jitqiegħdu fis-suq minn kumpaniji bi proporzjon ogħla tal-prodotti tat-tabakk fil-fatturat tagħhom. Għalhekk, dan ir-rekwiżit jidher li huwa inkonsistenti mal-allegat objettiv tal-miżura.

(47)

Fir-rigward tat-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investimenti, dan ma jistax jiġi ġġustifikat skont in-natura u lanqas skont l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Il-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tnaqqas l-obbligu tat-taxxa sa 80 % fil-każ ta' investiment li jkun inkonsistenti mal-objettiv intrinsiku tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa. L-objettiv tat-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa huwa li jinħolqu fondi għas-sistema tas-saħħa u li tiżdied il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa minħabba l-fatt li t-tipjip għandu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' diversi mard u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti f'aktar spejjeż relatati mas-saħħa. Għalhekk, il-Kummissjoni ssib li l-possibbiltà li jitnaqqas l-obbligu tat-taxxa fil-każ ta' investiment, bil-għan li żżid il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża, hija inkonsistenti ma' dak l-objettiv, peress li, kif diġà ddikjarat fil-premessa (40), tali investimenti jżidu aktar malajr il-kapaċità tal-produzzjoni u tal-kummerċ tal-impriża u b'hekk l-esternalitajiet negattivi li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa tfittex li tindirizza. Barra minn hekk, kontribuzzjoni bbażata fuq it-tassazzjoni tal-fatturat ma għandhiex tqis kwalunkwe spiża.

(48)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li l-miżuri għandhom jiġu ġġustifikati mill-għamla u mill-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Għalhekk, il-miżuri għandhom jitqiesu li jagħtu vantaġġ selettiv lill-impriżi tat-tabakk b'livell ta' fatturat aktar baxx (u b'hekk impriżi iżgħar) u lill-impriżi li jkunu għamlu investimenti eliġibbli għal tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa tagħhom skont it-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa.

4.1.4.   It-tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni

(49)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-miżuri japplikaw għall-impriżi kollha li l-fatturat tagħhom jiġi mill-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti tat-tabakk fl-Ungerija. L-industrija tat-tabakk Ungeriża hija miftuħa għall-kompetizzjoni u hija kkaratterizzata mill-preżenza ta' operaturi minn Stati Membri oħrajn kif ukoll minn operaturi internazzjonali, sabiex kwalunkwe għajnuna favur ċerti operaturi tal-industrija tista' taffettwa l-kummerċ intern tal-Unjoni. Sal-punt li l-miżuri jeħilsu lill-impriżi b'livelli ta' fatturat aktar baxxi u lill-impriżi milli jagħmlu investimenti eliġibbli minn obbligu tat-taxxa li kien ikollhom iħallsu, li kieku kienu soġġetti għall-istess kontribuzzjoni għas-saħħa bħall-impriżi b'livell għoli ta' fatturat u l-impriżi li ma jagħmlux investimenti, l-għajnuna mogħtija taħt dawn il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna operattiva jiġifieri teħles lill-impriżi minn ħlas li normalment ikollhom iħallsu fil-ġestjoni jew fl-attivitajiet tagħhom ta' kuljum. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet b'mod konsistenti li l-għajnuna operattiva tfixkel il-kompetizzjoni (17), għalhekk kwalunkwe għajnuna mogħtija lil dawk l-impriżi għandha titqies li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fis-suq tat-tabakk Ungeriż. Għaldaqstant, il-miżuri jfixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni u jkollhom effett fuq il-kummerċ intern tal-Unjoni.

4.1.5.   Konklużjoni

(50)

Peress li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati, il-Kummissjoni tqis li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk li tistabbilixxi struttura tat-taxxa progressiva għall-impriżi tat-tabakk u t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni.

4.2.   Il-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern

(51)

Għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk taqa' fi ħdan waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat (18) u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk tinstab mill-Kummissjoni bħala waħda li taqa' taħt xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat (19). Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li għandu l-oneru li jagħti prova li l-għajnuna mill-Istat mogħtija minnu hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) jew 107(3) tat-Trattat (20).

(52)

Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoritajiet Ungeriżi ma pprovdewx argumenti rigward għaliex il-miżuri jkunu kompatibbli mas-suq intern u li l-Ungerija ma kkummentatx dwar id-dubji espressi fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-miżuri. Il-Kummissjoni tqis li ma tapplika l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq tat-Trattat, peress li l-miżuri ma jidhrux li huma mmirati sabiex jintlaħaq wieħed mill-objettivi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, il-miżuri ma jistgħux jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern.

4.3.   Irkupru tal-għajnuna

(53)

Il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk qatt ma ġiet innotifikata jew ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Peress li l-istruttura progressiva tal-kontribuzzjoni għas-saħħa u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (21) li ddaħħlu fis-seħħ bi ksur tal-obbligu ta' status quo stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dawk il-miżuri jikkostitwixxu wkoll għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(54)

Il-konsegwenza tas-sejba li l-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli hija li l-għajnuna trid tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(55)

Madankollu, bħala riżultat tal-inġunzjoni ta' sospensjoni maħruġa mill-Kumissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ, l-Ungerija kkonfermat li kienet issospendiet l-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tat-tabakk.

(56)

Għalhekk, effettivament ma ngħatat l-ebda għajnuna mill-Istat taħt il-miżuri. Għalhekk, ma hemmx bżonn ta' rkupru.

5.   KONKLUŻJONI

(57)

Il-Kummissjoni ssib li t-taxxa tal-kontribuzzjoni għas-saħħa fuq l-impriżi tal-industrija tat-tabakk li tistabbilixxi struttura tat-taxxa progressiva għal-impriżi tat-tabakk u t-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u li l-Ungerija implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(58)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet possibbli fil-konformità tal-miżuri mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, b'mod partikolari l-libertà ta' stabbiliment kif iggarantit mill-Artikolu 49 tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istruttura ta' rata tat-taxxa progressiva għall-impriżi tat-tabakk u d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-obbligu tat-taxxa, bil-kundizzjoni li jsiru ċerti investimenti, introdotti mill-Ungerija permezz tal-Att XCIV tal-2014 dwar il-kontribuzzjoni għas-saħħa tal-impriżi tal-industrija tat-tabakk, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewoprea, li ddaħħlu fis-seħħ mhux skont il-liġi mill-Ungerija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi l-ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament li ġie adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (22) jew (UE) 2015/1588 (23) skont liema minnhom ikun applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-għajnuna individwali mogħtija mill-iskema msemmija fl-Artikolu 1 li, fi żmien li tingħata, tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98, revokat u sostitwit mir-Regolament (UE) 2015/1588, jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna oħra approvata hija kompatibbli mas-suq intern, sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dik it-tip ta' għajnuna.

Artikolu 4

L-Ungerija għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni, l-Ungerija għandha tissottometti deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri li tkun diġà ħadet u ppjanat sabiex tirrispetta din id-Deċiżjoni;

2.   L-Ungerija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni. Għandha tissottometti minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li tkun diġà ħadet u ppjanat sabiex tirrispetta din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 277, 21.8.2015, p. 24.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(3)  Cf. In-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Skont dan l-Att, “investiment” jinkludi x-xiri jew il-ħolqien ta' assi tanġibbli, il-produzzjoni ta' assi tanġibbli mill-intrapriża tal-persuna nnifisha, l-attività mwettqa sabiex jiġi installat jew jintuża l-ass tanġibbli mixtri għall-għan maħsub tiegħu sal-installazzjoni jew l-ewwel użu normali tiegħu (trasport, żdoganar tal-merkanzija, attività intermedjarja, tqegħid tal-pedamenti, installazzjoni u kwalunkwe attività relatata max-xiri tal-ass tanġibbli, inkluż id-disinn, it-tħejjija, l-arranġament, is-self u l-assigurazzjoni); l-investimenti jinkludu wkoll attivitajiet li jirriżultaw fit-titjib ta' ass tanġibbli eżistenti, il-bidla tal-għan tiegħu, il-konverżjoni tiegħu jew iż-żieda diretta taż-żmien tal-utilità jew tal-kapaċità tiegħu, flimkien mal-attivitajiet l-oħrajn elenkati hawn fuq u relatati ma' tali attività.

(5)  Il-Kawża C-83/98 P Franza vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni EU:C:2000:248, paragrafi 48 sa 51. Bl-istess mod, miżura li tippermetti li ċerti impriżi jiksbu tnaqqis fit-taxxa jew li jipposponu l-pagamenti tat-taxxa normalment dovuta tista' tkun għajnuna mill-Istat, ara l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u Oħrajn, paragrafu 46.

(6)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline, EU: C: 2001:598, paragrafu 38.

(7)  Ara l-Kawża C-66/02, l-Italja vs il-Kummissjoni, EU: C: 2005:768, il-paragrafu 78; il-Kawża C-222/04, Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn, EU: C: 2006:8, il-paragrafu 132; il-Kawża C-522/13, Ministerio de Defensa u Navantia, EU: C: 2014:2262, il-paragrafi 21 u 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(8)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05, Air Liquide Industries Belgium EU: C: 2006:403 u EU: C: 2006:216, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-387/92 Banco Exterior de España EU: C: 1994:100, il-paragrafu 14.

(9)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08 P il-Kummissjoni vs in-Netherlands (NOx) EU:C:2011:551; il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline EU: C: 2001:598, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011;550, il-Kawża C-308/01 GIL Insurance EU:C:2004:252.

(10)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju.

(11)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732.

(12)  Ibid, paragrafu 92.

(13)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni EU:C:2008:757, paragrafi 85 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs in-Netherlands (NOx) EU:C:2011:551, paragrafu 51.

(14)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732. Permezz ta' analoġija, ara wkoll il-Kawża C-385/12 Hervis Sport- és Divatkereskedelmi Kft. EU:C:2014:47, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “L-Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE jridu jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ bl-imnut tal-ħwienet, li tobbliga lill-persuni taxxabbli li jikkostitwixxu, fi ħdan grupp ta' kumpanniji, “impriżi marbutin”, fis-sens ta' din il-leġiżlazzjoni, li jgħoddu flimkien id-dħul mill-bejgħ tagħhom sabiex tiġi applikata rata progressiva ħafna, u li sussegwentement jaqsmu l-ammont tat-taxxa hekk miksub bejniethom bi prorata skont id-dħul mill-bejgħ reali tagħhom, meta — u dan huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — il-persuni taxxabbli li jiffurmaw parti minn grupp ta' kumpanniji u li jaqgħu taħt l-ogħla parti tat-taxxa speċjali huma “marbuta”, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma' kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.”

(15)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011:550, il-paragrafu 69.

(16)  Ara l-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju, il-paragrafu 24. Id-dikjarazzjoni dwar l-iskop ridistributtiv li jista' jiġġustifika rata tat-taxxa progressiva hija magħmula biss b'mod espliċitu fir-rigward ta' taxxi fuq profitti jew dħul (nett), u mhux fir-rigward ta' taxxi fuq il-fatturat.

(17)  Il-Kawża C-172/03 Heiser EU:C:2005:130, il-paragrafu 55. Ara wkoll il-Kawża C-494/06 P il-Kummissjoni vs l-Italja u Wam EU:C:2009:272, il-paragrafu 54 u l-ġurisprudenza ċċitata u C-271/13 P Rousse Industry vs il-Kummissjoni EU:C:2014:175, il-paragrafu 44. Il-Kawżi Magħquda C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P Comitato 'Venezia vuole vivere' u Oħrajn vs il-Kummissjoni EU:C:2011:368, il-paragrafu 136. Ara wkoll il-Kawża C-156/98 il-Ġermanja vs il-Kummissjoni EU:C:2000:467, il-paragrafu 30, u l-ġurisprudenza ċċitata.

(18)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(2) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna ta' bixra soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali; (b) għajnuna sabiex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkaġunata minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali; u (c) għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(19)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(3) tat-TFUE jikkonċernaw: (a) għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ċerti żoni; (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew sabiex tirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tal-Istat Membru; (c) għajnuna sabiex jiġu żviluppati ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi; (d) għajnuna sabiex jiġu promossi l-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt storiku; u (e) għajnuna speċifikata minn deċiżjoni tal-Kunsill.

(20)  Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni EU:T:2007:253, paragrafu 34.

(21)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/53


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1847

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.41612 — 2015/C (ex SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands favur il-klabb tal-futbol professjonali MVV f'Maastricht

(notifikata bid-dokument C(2016) 4053)

(Il-verżjoni Netherlandiża biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fl-2010, il-Kummissjoni ġiet infurmata li n-Netherlands implimentat miżura ta' għajnuna għall-klabb tal-futbol professjonali MVV f'Maastricht. Fl-2010 u l-2011, il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilmenti dwar miżuri favur klabbs tal-futbol professjonali oħra fin-Netherlands, b'mod partikolari Willen II f'Tilburg, FC Den Bosch ġewwa 's-Hertogenbosch, PSV f'Eindhoven u NEC f'Nijmegen. B'ittra tat-2 ta' Settembru 2011 in-Netherlands ipprovdiet lill-Kummissjoni aktar informazzjoni dwar il-miżura rigward MVV.

(2)

B'ittra tas-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni infurmat lin-Netherlands li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri favur Willem II, NEC, MVV, PSV u FC Den Bosch.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (minn hawn 'il quddiem: “Id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

(4)

In-Netherlands issottomettiet l-osservazzjonijiet fil-qafas tal-proċedura rigward il-miżura favur MVV b'ittri tal-31 ta' Mejju 2013 u t-12 ta' Novembru 2013. In-Netherlands wieġbet ukoll għat-talba għal informazzjoni addizzjonali b'ittra tas-26 ta' Marzu 2014. Fit-13 ta' Ġunju 2014 saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-muniċipalità ta' Maastricht, li ġiet segwita b'ittra tat-30 ta' Lulju 2014 min-Netherlands.

(5)

Il-Kummissjoni ma rċevietx osservazzjonijiet mill-partijiet interessati rigward il-miżuri favur MVV.

(6)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, u fi qbil man-Netherlands, l-investigazzjonijiet għall-klabbs differenti twettqu b'mod separat. L-investigazzjonijiet rigward MVV ġew irreġistrati taħt in-numru tal-każ SA.41612.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Il-miżura u l-benefiċjarju tagħha

(7)

Il-federazzjoni tal-futbol nazzjonali Koninklijke Nederlandse Voetbal Bond (minn hawn 'il quddiem: il-“KNVB”) hija l-organizzazzjoni umbrella għall-kompetizzjoni tal-futbol professjonali u amatorjali. Il-futbol professjonali fin-Netherlands huwa organizzat f'sistema ta' żewġ saffi. Fl-istaġun 2014/2015, din kienet tinvolvi 38 klabb, li minnhom 18 lagħbu fl-ogħla lig (l-eredivisie) u 20 fil-lig inferjuri (l-eerste divisie).

(8)

Maastrichtse Voetbal Vereniging, li mill-2010/2011 beda jissejjaħ Maatschappelijke Voetbal Vereniging Maastricht (minn hawn 'il quddiem: l-“MVV”), twaqqaf fl-1908 u jilgħab il-logħob f'daru fl-istejdjum tal-futbol De Geusselt f'Maastricht. Fl-2000 MVV ġie relegat mill-ogħla lig għal-lig inferjuri. MVV ilu ma jilgħab f'turnew Ewropew mill-1970.

(9)

L-istruttura legali ta' MVV hija dik ta' fondazzjoni, Stichting MVV. Skont l-informazzjoni sottomessa min-Netherlands, MVV hija intrapriża żgħira (3). Fl-istaġun 2009/2010 kellu 38 impjegat u fl-istaġun 2010/2011 kellu 35 impjegat. It-total tal-fatturat u tal-iskeda tal-bilanċ baqa' sew taħt l-EUR 10 miljun fis-sentejn li huma.

(10)

Fl-ewwel trimestru tal-2010 il-muniċipalità ta' Maastricht (minn hawn 'il quddiem: “il-muniċipalità”) saret konxja bid-diffikultajiet finanzjarji kbar li kien qed jaffaċċja MVV. Id-dejn tiegħu kien tela' għal EUR 6,5 miljun; li EUR 1,7 miljun minnhomkienu dovuti lill-muniċipalità stess fil-forma ta' selfa subordinata. F'April 2010 ġiet imnedija inizjattiva biex jiġi evitat il-falliment tal-MVV mis-sapporters, il-kumpaniji u l-isponsors (l-“Initatiefgroup MVV Maastricht”). L-inizjattiva kienet tinvolvi pjan tan-negozju maħsub biex itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja ta' MVV u biex jittrasforma lil MVV fi klabb tal-futbol professjonali vijabbli. Il-muniċipalità mxiet ma' dan il-pjan. F'Mejju 2010, bħala parti minn ftehim tal-kredituri, iżda mhux fi ħdan sospensjoni formali tal-proċedura tal-pagamenti, il-muniċipalità rrinunzjat il-pretensjoni tagħha ta' EUR 1,7 miljun. Barra minn hekk, hija xtrat l-istejdjum u l-grawnds tat-taħriġ, li kien qed jintuża biss minn MVV iżda li kien taħt sjieda ekonomika ma' parti terza (il-fondazzjoni Stichting Stadion Geusselt) abbażi ta' tranżazzjoni li tinvolvi lokazzjoni fit-tul għal EUR 1,85 miljun. Dan il-prezz kien ibbażat fuq rapport ta' valutazzjoni esterna.

(11)

In-Netherlands ma kkomunikatx lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-intenzjoni tagħha li tirrinunzja pretensjoni ta' EUR 1,7 miljun fir-rigward ta' MVV u li tixtri l-istejdjum tal-futbol u l-grawnds tat-taħriġ għal EUR 1,85 miljun.

2.2.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(12)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-muniċipalità kienet ipprovdiet vantaġġ selettiv lil MVV bl-użu ta' riżorsi tal-Istat u b'hekk ipprovdiet għajnuna lill-klabb tal-futbol. Il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ miżuri ġew deċiżi flimkien u li kien hemm rabta kbira bejniethom. Il-Kummissjoni adottat ukoll il-pożizzjoni li l-miżuri ta' għajnuna lill-klabbs tal-futbol professjonali aktarx ifixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fir-rigward tar-remissjoni tad-dejn mill-muniċipalità, il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ma kinitx kapaċi tikkonkludi li l-imġiba tal-muniċipalità kienet ta' kredikur tipiku f'ekonomija tas-suq. Fir-rigward tax-xiri tal-istejdjum u l-grawnds tat-taħriġ mill-parti terza, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fl-assenza ta' pjan tan-negozju kredibbli stabbilit qabel ix-xiri, li l-imġiba tal-muniċipalità kienet dik ta' investitur tipiku f'ekonomija tas-suq. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dettaljata rigward id-dikjarazzjonijiet li saru fil-kunsill muniċipali li r-rendiment tax-xiri tal-istejdjum se jiġi mgħoddi mill-parti terza (il-fondazzjoni Stadium De Geusselt) biex tkopri l-partijiet preferenzjali tad-dejn ta' MVV, bħall-kontribuzzjonijiet għall-pensjonijiet u t-taxxi.

(13)

Il-Kummissjoni tinnota li qabel l-2010, MVV kien ilu għaddej minn sitwazzjoni finanzjarja diffiċli għal diversi snin. Fl-istaġun 2007/2008 għamel telf ta' EUR 0,15 miljun u kellu ekwità proprja negattiva (– EUR 2,7 miljun). Fl-2008/2009 MVV għamel telf ta' EUR 1,1 miljun u l-ekwità proprja kienet ta' nieqes EUR 3,8 miljun. Sa Marzu 2010 ġarrab telf addizzjonali ta' EUR 1,3 miljun u l-ekwità proprja niżlet għal nieqes EUR 5,17 miljun. F'April 2010, MVV ma kienx għadu aktar jista' jħallas is-salarji u nfiq kurrenti ieħor u fil-fatt kien f'xifer il-falliment.

(14)

Abbażi ta' dan, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni nnutat li fiż-żmien li fih MVV ingħata l-għajnuna, dan kien qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji. Sabiex tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna mal-Linji Gwida tal-2004 dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tad-ditti f'diffikultà (4) (minn hawn 'il quddiem: “il-Linji Gwida”), il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-Linji Gwida.

(15)

Il-Kummissjoni b'mod partikolari ma kinitx kapaċi tivverifika jekk il-kundizzjonijiet fil-punti 34 sa 37 tal-Linji Gwida dwar in-natura u l-implimentazzjoni ta' pjan ristrutturali ġewx irrispettati. Il-Kummissjoni lanqas ma kienet kapaċi jekk miżuri ta' kumpens adegwati kinux ittieħdu fis-sens tal-punti 38 sa 42 tal-Linji Gwida. Barra minn hekk kien hemm bżonn jintwera li l-għajnuna kienet limitata għall-minimu neċessarju, li l-benefiċjarju nnifsu jkun ħallas kontribut proprju adegwat għar-ristrutturar tiegħu u li l-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba” jiġi rispettat.

3.   KUMMENTI MIN-NETHERLANDS

(16)

Fir-rigward tal-miżuri għal MVV, il-Netherlands ma qablitx li dawn il-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fil-fehma tan-Netherlands, il-muniċipalità, li kellha pretensjoni subordinata fuq kumpanija f'xifer il-falliment, ġabet ruħha f'konformità mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq billi fl-2010 irrinunzjat il-pretensjoni tagħha. Hija qalet li l-applikazzjoni formali jew it-talba għal falliment minn kreditur biss kienet tiskatta falliment immedjat. Skont in-Netherlands, fil-każ tal-falliment ta' MVV, kien kważi ċert li l-muniċipalità fi kwalunkwe każ ma kienet tirkupra xejn mis-self subordinat tagħha. Il-pretensjoni kienet subordinata u b'hekk kienet ta' livell aktar baxx mill-pretensjonijiet li flimkien ammontaw għal madwar EUR 3 miljun (it-tnejn li huma pretensjonijiet preferenzjali (“preferente”) u mhux garantiti (“concurrente”) minn kredituri oħra). In-Netherlands allegat li għaldaqstant ma kien hemm l-ebda probabbiltà li jinkiseb kumpens għall-ammont ta' self u li anke l-kredituri “preferente” u “concurrente” kellhom ir-rieda jirrilaxxaw il-pretensjonijiet tagħhom fil-qafas tal-pjan ta' ristrutturar globali. Fl-istess ħin, li kieku f'Mejju 2010 il-muniċipalità ma rrinunzjatx il-pretensjoni tagħha u għaldaqstant ipprovokat il-ftuħ ta' proċedura uffiċjali ta' insolvenza, MVV kien jirriskja li jitlef il-liċenzja tiegħu li jilgħab futbol professjonali skont ir-regoli tal-KNVB. Ma kien ikun hemm l-ebda possibbiltà li din il-liċenzja tiġi ttrasferita lil klabb ieħor.

(17)

Fir-rigward tal-akkwist tal-istejdjum De Geusselt u l-faċilitajiet ta' taħriġ użati minn MVV, in-Netherlands argumentat li dan l-akkwist sar skont il-valur stabbilit minn esperti terzi u għalhekk kien konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq. Din il-valutazzjoni kienet tikkonsisti minn valutazzjoni tad-dritt ta' lokazzjoni fit-tul u valur tal-bini fuq l-art. In-Netherlands enfasizzat ukoll il-post strateġiku tal-istejdjum f'Maastricht u l-interessi tal-muniċipalità fir-rigward tal-iżvilupp (l-iżvilupp mill-ġdid) kbir mhux ħażin mill-muniċipalita taż-żona ta' De Geusselt, li jinsabu fiha l-istejdjum u l-grawnds tat-taħriġ.

(18)

Min-naħa l-oħra, in-Netherlands argumentat li anke li kieku l-miżuri kellhom jitqiesu bħala li pprovdew vantaġġ selettiv lil MVV, dawn ma kinux ifixklu l-kompetizzjoni jew jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. In-Netherlands enfasizzat il-pożizzjoni dgħajfa ta' MVV fil-futbol professjonali nazzjonali, li għamlet il-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet fil-livell Ewropew possibbiltà remota. Intqal ukoll li l-Kummissjoni naqset milli turi li l-għajnuna lil MVV tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ fi kwalunkwe mis-swieq imsemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ.

(19)

Bħala argument sussidjarju, in-Netherlands qalet li li kieku il-miżuri kellhom jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, dawn ikunu kompatibbli mas-suq intern. Dawn l-argumenti kienu l-ewwel ibbażati fuq il-Linji Gwida, u t-tieni, billi saret valutazzjoni tal-kompatibilità direttament abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) u (d) tat-Trattat.

4.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI

4.1.   Preżenza tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(20)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għajnuna mill-Istat hija għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi u b'hekk, biex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati.

(21)

Abbażi tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni vvalutat id-deċiżjoni tal-muniċipalità tal-25 ta' Mejju 2010 li tirrinunzja l-pretensjoni subordinata ta' EUR 1,7 miljun fuq MVV u tixtri l-istejdjum De Guesselt u l-faċilitajiet tat-taħriġ ta' MVV għas-somma ta' EUR 1,85 miljun. In-Netherlands targumenta li ż-żewġ miżuri jirrispettaw il-prinċipju tal-operatur f'ekonomija tas-suq (MEOP), u għalhekk ma għandhomx jiġu kkwalifikati bħala li jinvolvu għajnuna mill-Istat.

(22)

F'konformità mal-ġurisprudenza rilevanti (5) — il-Kummissjoni tqis li hemm rabta neċessarja u li ma tinħallx bejn iż-żewġ miżuri. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni qieset il-kronoloġija tal-miżuri inkwistjoni, l-għan tagħhom, u s-sitwazzjoni ta' MVV fil-mument li fih ittieħdet id-deċiżjoni li jingħata l-appoġġ lil MVV mill-muniċipalità (6). Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel li ż-żewġ miżuri ġew ippreżentati flimkien u ġew deċiżi fl-istess laqgħa tal-kunsill muniċipali tal-25 ta' Mejju 2010. L-għan taż-żewġ miżuri kien li jiżguraw is-salvataġġ ta' MVV fil-futur immedjat u ġew diskussi t-tnejn — fi proposta waħda — bħala parti mill-pożizzjoni tal-muniċipalità rigward il-pjan ta' salvataġġ li kien qed jiġi ffurmat mill-“Initiatiefgroep MVV Maastricht”. Il-Kummissjoni għaldaqstant tasal għall-fehma li l-miżuri huma marbuta mill-qrib fir-rigward tal-għan tagħhom u s-sitwazzjoni ta' MVV dak iż-żmien, jiġifieri biex jiġi żgurat is-salvataġġ ta' MVV minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja evidenti tiegħu.

(23)

Iż-żewġ miżuri ġew deċiżi mill-muniċipalità u għandhom konsegwenzi finanzjarji għal din il-muniċipalità (li jammontaw għal EUR 3,55 miljun). Għaldaqstant, dawn jinvolvu l-użu tar-riżorsi tal-Istat, konklużjoni li n-Netherlands taqbel magħha. It-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jista' jieħu ħafna forom, bħal għotjiet diretti, self, garanziji, investiment dirett fil-kapital tal-intrapriżi u benefiċji in natura. Ir-rinunzja ta' pretensjonijiet tal-Istat u l-investiment b'kundizzjonijiet oħra li mhumiex tas-suq jikkostitwixxi trasferiment ta' riżorsi tal-Istat.

(24)

Imbagħad, in-Netherlands u l-muniċipalità jargumentaw li l-muniċipalità aġixxiet li f'konformità mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjoni u f'konformità mal-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq fir-rigward tal-akkwist tal-istejdjum u l-faċilitajiet ta' taħriġ u, b'hekk ma pprovdietx vantaġġ ekonomiku indebitu lil MVV. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' din l-opinjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

(25)

Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta' impriża tittejjeb b'riżultat tal-intervent tal-Istat, vantaġġ ikun preżenti. Sabiex jiġi vvalutat jekk dan il-vantaġġ huwiex indebitu, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriża li ssegwi l-miżura għandha tiġi mqabbla mas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha f'każ li l-miżura ma ngħatatx. Ma hemmx dubju li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' MVV tjiebet sew permezz tal-miżuri taħt investigazzjoni.

4.1.1.   Rinunzja tas-self/pretensjoni subordinata

(26)

Il-miżuri adottati mill-muniċipalità u minn kredituri importanti oħra ippermettew lil MVV jnaddaf il-karta tal-bilanċ tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li l-kredituri importanti l-oħra ta' MVV, jiġifieri dawk bi pretensjonijiet li jaqbżu l-EUR 150 000, irrinunzjaw il-pretensjonijiet tagħhom ukoll, filwaqt li kredituri iżgħar irrinunzjaw parti mill-pretensjonijiet tagħhom. Dawn l-azzjonijiet, li wasslu għar-rinunzja ta' EUR 2,25 miljun ta' pretensjonijiet minn partijiet privati, kif ukoll l-azzjonijiet mill-muniċipalità, ma seħħewx fil-kuntest ta' sospensjoni formali tal-proċedura tal-pagamenti. In-nuqqas ta' qafas formali jispjega għaliex fl-aħħar mill-aħħar minoranza ta' kredituri, bi pretensjonijiet li jammontaw għal EUR 145 347, ma pparteċipawx fir-rinunzja, minkejja li xi wħud minnhom kienu wegħdu li jagħmlu dan. Il-Kummissjoni tinnota wkoll il-fatt li pretensjonijiet oħra li ġew irrinunzjati ma kinux ta' natura subordinata, bħal ma kienet il-pretensjoni tal-muniċipalità. Skont in-Netherlands, l-assenza ta' proċedura formali ma għamlet l-ebda differenza materjali fis-sens li r-riżultat tar-riżoluzzjoni tad-dejn għall-muniċipalità kien identiku għal dak li kien iseħħ f'każ ta' sospensjoni formali ta' proċedura ta' pagament skont il-liġi tal-falliment nazzjonali, jiġifieri li kredituri oħra setgħu ġew sfurzati jissieħbu fi ftehim tal-kredituri, li fil-każ tal-muniċipalità, fi kwalunkwe każ kien jirriżulta fit-telf sħiħ tal-ammont ta' self (subordinat).

(27)

Madanakollu, kif issemma diġà fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni nnutat li tliet kredituri ma kinux irrinunzjaw kompletament il-pretensjonijiet tagħhom, iżda ttrasformawhom fi pretensjoni dwar il-pagamenti ta' trasferimenti futuri possibbli mħallsa lil MVV għal plejers li jħallu l-klabb. F'dan ir-rigward, in-Netherlands indikat li dawk it-tliet kredituri kellhom pretensjonijiet preferenzjali u garantiti li jammontaw għal EUR 1,135 miljun. Għalhekk dawn kien ikollhom ċans akbar li jirkupraw tal-anqas xi parti mill-pretensjonijiet tagħhom fil-każ ta' proċedura formali ta' falliment minn kredituri oħra bi pretensjonijiet mhux garantiti, aħseb u ara l-muniċipalità bil-pretensjoni subordinata tagħha. Il-Kummissjoni tqis li għalkemm is-self mill-muniċipalità ma ġiex ipprovdut bl-istess kundizzjonijiet, investitur privat ma kienx jirrinunzja kompletament il-pretensjoni jew tal-anqas kien jiggarantixxi — jew jirsisti li jiggarantixxi — xi tip ta' kollateral (possibbli) għar-rinunzja ta' tali ammont ta' self sostanzjali, anke jekk iċ-ċans ta' pagament mill-ġdid kien wieħed baxx. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-muniċipalità setgħet possibbilment tiggarantixxi benefiċċju mill-kredituri l-oħra, jekk fil-fatt il-pjan ta' salvataġġ kien jiddependi wkoll fuq il-parteċipazzjoni tal-muniċipalità. B'hekk, il-Kummissjoni tqis li r-rinunzja sħiħa tas-self mill-muniċipalità mingħajr l-ebda kundizzjoni jew kollateral mhijiex konformi mal-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq.

(28)

Fir-rigward tad-deċiżjoni li tipparteċipa fi ftehim tal-kredituri lil hinn minn proċedura formali tas-sospensjoni tal-pagamenti, in-Netherlands indikat li l-KNVB kienet tirtira l-liċenzja ta' MVV biex jilgħab futbol professjonali fil-każ ta' sospensjoni formali tal-pagamenti. Għaldaqstant, ma kienx meqjus li sospensjoni formali tal-pagamenti kienet tkun fl-interess tal-muniċipalità u bl-istess mod għall-parti l-kbira tal-kredituri l-oħra. B'hekk, dan l-aspett fih innifsu ma jagħmilx il-pożizzjoni tal-muniċipalità waħda distinta minn dik tal-kredituri l-oħra.

(29)

F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet Netherlandiżi jirreferu għall-parti fid-deċiżjoni tal-ftuħ li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri tal-muniċipalità ta' Arnhem favur il-klabb tal-futbol Vitesse ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat: il-prinċipju tat-trattament indaqs jitlob li s-sitwazzjoni tiġi vvalutata bl-istess mod bħal dak tal-muniċipalità ta' Arhem, jiġifieri li kienet konformi mal-Artikolu 107(1) tat-Trattat peress li d-deċiżjonijiet tal-muniċipalità kienu jkunu fir-rigward ta' prinċipju ta' kreditur privat. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li kull każ għandu jiġi vvalutat abbażi tal-merti individwali tiegħu. Fil-każ ta' Arnhem/Vitesse, il-kundizzjonijiet marbuta mal-ftehim tal-kredituri kienu jfissru li l-pożizzjonijiet rispettivi tal-muniċipalità u l-kredituri l-oħra kienu indaqs (kull wieħed jirċievi 12 % tal-pretensjonijiet pendenti tagħhom), li ma kienx hekk fil-każ ta' Maastricht/MVV: il-kredituri (preferenzjali) l-oħra, għar-rinunzja tal-pretensjoni tagħhom, jistgħu jibbenefikaw mill-introjtu possibbli mit-trasferimenti tal-plejers, li ma kienx il-każ għal Maastricht.

(30)

Ir-raġunijiet l-oħra ppreżentati min-Netherlands b'rabta mal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-falliment ta' MVV, ma jistgħux jitqiesu fil-qafas tal-valutazzjoni tal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq.

(31)

L-ewwel nett, il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-falliment eventwali ta' MMV jikkonċernaw ir-rwol tal-muniċipalità bħala awtorità pubblika, mhux il-pożizzjoni ta' investitur privat. Għalkemm il-muniċipalità jista' jkun li kellha l-pożizzjoni ta' investitur fiż-żona De Geusselt, kif imsemmi fil-minuti tal-kunsill muniċipali tal-25 ta' Mejju 2010, dawn l-interessi huma parti mill-interess usa' rigward objettivi tal-politika ġenerali, bħall-iżvilupp infrastrutturali u ekonomiku taż-żona, il-politika tal-isports tal-muniċipalità u s-sħubija tal-muniċipalità tagħha. B'hekk ir-rinunzja tas-self — fiż-żmien li ġiet ipprovduta — ma kinitx marbut, jew kienet biss parzjalment marbuta, ma' interess kummerċjali privat tal-muniċipalità bħala sid tal-art jew bħala impriża. Jekk kienu jeżistu interessi kummerċjali, in-Netherlands ma tat l-ebda dettall fiex dawn kienu jikkonsistu. It-tieni nett, huwa nnutat li r-rinunzja tas-self infisha ma kinitx tipprevjeni l-falliment ta' MVV: kienu meħtieġa aktar miżuri ta' appoġġ, bħax-xiri tal-istejdjum u l-grawnd tat-taħriġ li l-Kummissjoni tqis li ma kinux konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq. Kif ġie spjegat hawn fuq, il-miżuri għandhom jiġu vvalutati b'mod konġunt.

(32)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-muniċipalità, meta f'Mejju 2010 ddeċidiet li tirrinunzja l-pretensjoni tagħha ta' EUR 1,7 miljun, ma ġabitx ruħha ta' operatur tal-ekonomija tas-suq. Din il-konklużjoni hi bbażata wkoll fuq il-fatt li din ir-rinunzja ta' self għandha tiġi vvalutata b'mod konġunt max-xiri tal-grawnds tat-taħriġ u l-istejdjum, li l-Kummissjoni tikkonkludi mhumiex konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq, kif spjegat f'dan li ġej.

4.1.2.   Ix-xiri tal-grawnds tat-taħriġ u l-istejdjum

(33)

Il-muniċipalità mhux biss irrinunzjat pretensjoni subordinata fuq MVV, imma xtrat ukoll l-istejdjum De Geusselt u l-faċilitajiet ta' taħriġ tal-klabb KleinGeusselt. liema x-xiri kien ukoll parti mill-pjan globali ta' salvataġġ u ristrutturar ta' MVV. In-Netherlands tgħid li dan ix-xiri ma jikkostitwix għajnuna mill-Istat, peress li seħħ skont kundizzjonijiet tas-suq. L-argument huwa bbażat fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar elementi ta'għajnuna Statali dwar bejgħ ta'artijiet u bini ta'awtoritajiet pubbliċi (7) (minn hawn 'il quddiem: “il-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta' artijiet”), kif ukoll fuq il-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq, skont liema l-atti finanzjarji tal-awtoritajiet pubbliċi rigward impriża, fejn dawk l-atti kienu jkunu wkoll aċċettabbli għal operaturi oħra taħt kundizzjonijiet identiċi, ma jistgħux jitqiesu bħala li jipprovdu vantaġġ lil intrapriża fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fir-rigward tal-Komunikazzjoni dwar il-bejgħ ta' artijiet, in-Netherlands tirrikonoxxi li l-Komunikazzjoni tkopri l-bejgħ ta' art u mhux ix-xiri ta' proprjetà immobbli, iżda tqis li tapplika b'analoġija.

(34)

Il-Kummissjoni tinnota li prezz tax-xiri ta' EUR 1,85 miljun ġie ddeterminat abbażi ta' rapport ta' espert estern, li ġie sottomess lill-Kummissjoni (rapport mis-surveyors Van Der Horst Taxateurs, Ġunju 2010). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-muniċipalità diġà kienet is-sid tal-art li fuqha kien mibni l-istejdjum. Hija xtrat l-istejdjum u l-assi l-oħra, iżda wkoll id-dritt ta' lokazzjoni fit-tul tal-art (recht van erfpacht). […] (*) Il-prezz ta' EUR 1,85 miljun jinkludi l-faċilitajiet ta' taħriġ, li ma kinux ġew inklużi fir-rapport tal-espert. Huwa nnutat li r-rapport tal-espert ma speċifikax l-identità tax-xerrej.

(35)

Il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li r-raġunijiet tal-muniċipalità biex tixtri l-istejdjum kienu jinkludu konsiderazzjonijiet relatati mas-“saħħa pubblika” u l-“koeżjoni soċjali”, peress li riedet iżżomm u tiżviluppa “żona tal-isports” fiż- żona De Geusselt  (8). Tali objettivi tal-politika ma jkunux parti minn deċiżjoni ta' investiment ta' investitur tas-suq u b'hekk il-muniċipalità ma tistax tiġi ttrattata bħala operatur tal-ekonomija tas-suq. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma taqbilx li operatur tal-ekonomija tas-suq kien ikun jixtieq jixtri l-istejdjum tal-futbol bil-valur ta' sostituzzjoni tiegħu. B'kuntrast mal-artijiet jew komoditajiet oħra, stejdjum tal-futbol huwa assi produttiv, li jista' jintuża biex jiġġenera d-dħul, iżda dan jinvolvi wkoll spiża ta' manutenzjoni. Operatur tal-ekonomija tas-suq jixtri wkoll tali stejdjum abbażi ta' pjan ta' direzzjoni tan-negozju li juri l-probabbiltà kbira ta' użu suffiċjentement profitabbli. Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju jiddetermina wkoll il-prezz li bih investitur ikun imħajjar jixtri l-istejdjum. Il-muniċipalità ma kellhiex tali pjan tan-negozju, la qabel għamlet ix-xiri, u lanqas meta ddeċidiet li tixtri l-istejdjum. Fil-fatt, f'Mejju 2010 il-kunsill muniċipali ġie infurmat mill-eżekuttiv muniċipali li kien se jitfassal pjan għall-użu futur tal-istejdjum bħala faċilità multifunzjonali. Tali pjan fil-fatt ġie ppreżentat lill-Kunsill, iżda f'Diċembru 2010. Il-Kummissjoni tinnota li f'Mejju 2010, meta ttieħdet id-deċiżjoni li jinxtara l-istejdjum, il-muniċipalità kkalkolat li l-ispiża annwali li tmantni l-istejdjum kienet tammonta għal EUR 380 000, filwaqt li l-kera annwali miżmuma minn MVV kienet ta' EUR 75 000 (9). Id-differenza ta' EUR 305 000 tiġi ffinanzjata mill-introjtu mill-kera minn avvenimenti oħra jew ikollha tiġi koperta mill-muniċipalità. Filwaqt li l-prezz tax-xiri ġie stabbilit biex iqis it-telf potenzjali bħala riżultat tal-prezz tal-kiri baxx lil MVV, wieħed ma jistax jikkonkludi li operatur tas-suq privat kien jidħol f'kuntratt li kien iġorr riskju kbir identifikat li se jwassal għal telf. Ir-rapport ippreżentat lill-kunsill muniċipali f'Diċembru 2010, jikkonferma li “fis-sitwazzjoni attwali l-użu kummerċjali jew li jkopri l-ispejjeż tal-istejdjum mhux possibbli”. F'Lulju 2012 rapport imfassal mill-Awtorità tal-Awditjar muniċipali (10) sab li l-użu tal-istejdjum baqa'jagħmel it-telf.

(36)

Barra minn hekk, fil-każ ta' bejgħ fl-istat ta' urġenza li kien hemm fir-rigward ta' MVV, wieħed kien jistenna li operatur tas-suq jisfrutta dan l-aspett biex jgħinu jinnegozja prezz aħjar mill-valur stmat minn servejer. Dan ma kienx il-każ għall-muniċipalità, li sempliċiment interpretat il-valur tas-servejer bħala “realistiku”.

(37)

Din il-konklużjoni mhijiex mibdula mill-interess speċifiku li l-muniċipalità kellha fir-rigward tal-pjanijiet ta' żvilupp taż-żona De Geusselt. Fil-pjan ta' salvataġġ ifformulat fl-2010, in-Netherlands ma indikatx pjan għax-xiri jew il-kalkolu qabel Ġunju 2010 ta' xiri potenzjali mill-muniċipalità. Tali valutazzjoni qabel ix-xiri, madanakollu, hija ħaġa li wieħed jistenna minn investitur tas-suq.

(38)

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-Kummissjoni tikkonkludi li fl-2010, il-muniċipalità, meta ġiet biex tiddeċiedi dwar il-miżuri għax-xiri tal-istejdjum u l-grawnds tat-taħriġ, ma ġabitx ruħa bħalma kieku kien jagħmel operatur tal-ekonomija tas-suq.

4.1.3.   L-impatt tal-għajnuna fuq MVV

(39)

Il-vantaġġ għal MVV, l-ewwel nett kien li nħeles mid-dejn tiegħu, u t-tieni nett li baqa' jilgħab il-futbol fl-istejdjum De Geusselt li jitqies bħala daru. Il-kera ta' kull xahar għall-użu mhux esklussiv taż-żewġ faċilitajiet wara x-xiri tagħhom mill-muniċipalità kien jammonta għal 3 % tal-baġit ta' MVV jew minimu ta' EUR 75 000 (11). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li skont it-termini tal-kuntratt tax-xiri, is-somma ta' EUR 1,85 miljun imħallsa mill-muniċipalità tintuża mill-bejjiegħ, il-parti terza Stichting Stadion De Geusselt  (12), biex ikun kopert id-dejn ta' MVV f'taxxi, salarji għall-plejers u obbligi ta' pensjonijiet; dak id-dejn kien barra mill-ftehim tal-kredituri. Din is-somma ta' EUR 1,85 miljun fil-fatt hija fil-fatt irreġistrata bħala introjtu straordinarju fil-kontijiet ta' MVV għall-istaġun 2009/2010 bl-ispjegazzjoni “kontribuzzjoni muniċipalità ta' Maastricht” (Bijdrage Gemeente Maastricht). Ir-rikavati tal-bejgħ dovut lil Stichting Stadion De Geusselt fil-fatt kellhom jintużaw għall-ħelsien mid-dejn u r-ristrutturar ta' MVV (ara l-ittra tal-fondazzjoni lill-muniċipalità tad-9 ta' Ġunju 2010).

(40)

In-Netherlands esprimiet dubju dwar l-impatt ta' kwalunkwe għajnuna fuq is-suq intern għall-klabbs li ma jilagħbux futbol fil-livell Ewropew u aktar speċjalment għal MVV. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li MVV huwa parteċipant potenzjali fit-tornej tal-futbol Ewropej kull sena. Anke bħala klabb tat-tieni lig, fil-prinċipju kapaċi jinfluwenza l-kompetizzjoni għat-tazza tal-futbol nazzjonali u jirbaħ it-tazza, li tippermettilu jilgħab għat-tazza Ewropea s-sena ta' wara. Fuq perjodu ta' żmien qasir, anke klabb tal-futbol li qiegħed 'l isfel fil-klassifika jista' javvanza għal livell ogħla (13). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindika li l-klabbs tal-futbol professjonali għandhom attività ekonomika f'diversi swieq barra l-parteċipazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet tal-futbol, bħas-suq tat-trasferimenti tal-plejers professjonali, ir-reklamar, l-isponserizzazzjoni, il-merchandising u l-midja. L-għajnuna lil klabb tal-futbol professjonali issaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f'kull wieħed minn dawk is-swieq, li l-biċċa l-kbira tagħhom ikopru diversi Stati Membri. Għaldaqstant, jekk ir-riżorsi tal-Istat jintużaw biex jipprovdu vantaġġ selettiv lil klabb tal-futbol professjonali, tali għajnuna aktarx ikollha l-potenzjal li twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (14). B'mod aktar speċifiku fir-rigward ta' MVV, matul l-2010 diversi plejers ta' MVV kellhom iċ-ċittadinanza ta' Stati Membir oħrajn, b'mod partikolari dik Belġjana.

(41)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li r-rinunzja tas-self u x-xiri tal-grawnds tat-taħriġ u l-istejdjum (b'total ta' EUR 3,55 miljun), jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-kompatibilità tagħhom mas-suq intern se tiġi vvalutata f'dan li ġej.

4.2.   Valutazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat

(42)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk il-miżuri ta' għajnuna favur MVV jistgħux jitqiesu li huma kompatibbli mas-suq intern. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, huwa l-Istat Membru li jrid jiddeċiedi jekk jinvokax raġunijiet possibbli għall-kompatibilità u biex juri li l-kundizzjonijiet għal tali kompatibilità jiġu ssodisfati (15).

(43)

L-ebda waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat ma tapplika għall-miżura ta' għajnuna inkwistjoni. In-Netherlands ukoll ma sostnietx li dan ikun il-każ.

(44)

Fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tinnota li l-ebda wieħed mir-reġjuni tan-Netherlands ma jaqa' taħt id-deroga fl-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. Barra minn hekk, il-miżuri ta' għajnuna inkwisjoni la jippromwovu proġett importanti ta' interess Ewropew komuni, u lanqas ma jservu ta' rimedju għal kwalunkwe disturb serju fl-ekonomija tan-Netherlands fis-sens tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat.

(45)

Fir-rigward tad-deroga tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, jiġifieri l-għajnuna li tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet ekonomiċi fejn tali għajnuna ma taffettwax b'mod negattiv il-kundizzjonijiet kummerċjali sa ċertu punt li jmur kontra l-interess komuni, in-Netherlenads argumentat li din id-deroga tista' tiġi applikata jekk il-Kummissjoni ssib li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. F'dan ir-rigward, in-Netherlands argumentat ukoll li l-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat għall-għajnuna għall-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-kultura jew il-patrimonju f'kombinazzjoni mal-Artikolu 165 tat-Trattat għandu jitqies fl-analiżi tal-Kummissjoni.

(46)

Fil-valutazzjoni tagħha tal-idea ta' “żvilupp ta' attivitajiet ekonomiċi” fis-settur tal-isport, il-Kummissjoni tieħu kont tal-Artikolu 165(1) tat-Trattat u l-aħħar inċiż tal-Artikolu 165(2) tat-Trattat, li jipprovdi li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kwistjonijiet sportivi Ewropej, filwaqt li tieħu kont tan-natura speċifika tal-isport, bl-istrutturi tiegħu jkunu bbażati fuq attività volontarja u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. Madanakollu, it-Trattat jiddistingwi bejn l-ideat ta' sport u kultura; u b'hekk l-Artikolu 107(3)(d) tat-Trattat ma jistax iservi bħala bażi għall-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna għal MVV.

(47)

Għall-valutazzjoni tagħha tal-miżuri ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni ħarġet għadd ta' Regolamenti, Oqfsa, Linji Gwida u Komunikazzjonijiet dwar il-forom ta' għajnuna u għanijiet orizzonali jew settorjali li għalihom tingħata l-għajnuna. Minħabba li MVV fiż-żmien li ttieħdu l-miżuri kien qed iħabbat wiċċu ma' diffikultajiet finanzjarji u li l-għajnuna ngħatat mill-muniċipalità biex jindirizza dawk id-diffikultajiet, huwa xieraq li jiġi vvalutat jekk il-kriterji stipulati fil-Linji Gwida (16) jistgħux japplikaw. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li l-Linji Gwida ma jeskludux il-futbol professjonali. Għalhekk din l-attività ekonomika hija koperta mil-Linji Gwida.

(48)

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppubblikat Linji Gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' intrapriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (17). Madanakollu, dawn mhumiex applikabbli għal din l-għajnuna mhux notifikata mogħtija fl-2010. Skont il-punt 137 tal-linji l-gwida l-ġodda, dan ikun biss il-każ għal kull għajnuna ta' salvataġġ jew ristrutturar mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jekk parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha tingħata wara l-pubblikazzjoni tal-pubblikazzjoni ta' dawk il-linji gwida f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont il-punt 138 tal-linji l-gwida l-ġodda, fil-każijiet kollha l-oħra l-Kummissjoni se twettaq l-eżami abbażi tal-linji gwida li kienu japplikaw dak iż-żmien li ngħatat l-għajnuna. Għalhekk, f'dan il-każ, il-Kummissjoni se tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-Linji Gwida tal-2004 (ara l-premessa 14 hawn fuq).

(49)

Skont il-punt 11 tal-Linji Gwida, ditta titqies f'diffikultà meta s-sinjali tas-soltu ta' ditta li tkun f'diffikultà jkunu preżenti, bħal telf li dejjem jiżdied, dħul dejjem jonqos, żieda fl-inventarji tal-istokk, kapaċità żejda, fluss tal-flus dejjem jonqos, dejn dejjem jiżdied, imposti tal-imgħax dejjem jiżdiedu u valur nett tal-assi żero jew dejjem nieżel. F'każijiet akuti d-ditta diġà tista' tkun saret insolventi jew tista' tkun is-suġġett ta' proċedimenti ta' insolvenza kollettivi miġjuba taħt il-liġi domestika. Kif indikat fil-premessa 13 hawn fuq, MVV kien ilu b'ekwità negattiva mill-istaġun 2007/2008 u fl-ewwel trimestru tal-2010 l-ekwità proprja niżlet għal nieqes EUR 5,1 miljun, filwaqt li d-dejn ta' MVV kien jammonta għal EUR 6,4 miljun. Kif indikat min-Netherlands, fir-rebbiegħa tal-2010 MVV kien prattikament fallut. Għalhekk MVV biċ-ċar kien kumpanija f'diffikultà fis-sens tal-Linji Gwida. Dan il-fatt mhuwiex ikkontestat min-Netherlands. Għaldaqstant, il-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat lil MVV trid tiġi vvalutata skont il-Linji Gwida.

(50)

Fit-Taqsima 3.2, il-Linji Gwida jeħtieġu li l-għotja tal-għajnuna tkun kondizzjonali fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ristrutturar. Madanakollu, skont il-punt 59 tal-Linji Gwida, għall-SMEs (bħalma hu l-każ tal-MVV) il-pjan ta' ristrutturar ma jeħtieġx li jiġi approvat mill-Kummissjoni, għalkemm irid jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punti 35, 36 u 37 tal-Linji Gwida u jiġi approvat mill-Istat Membru kkonċernat u kkomunikat lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tinnota li n-Netherlands ikkomunikat pjan ta' ristrutturar li jindirizza l-kundizzjonijiet stipulati fil-punti 34 sa 37 tal-Linji Gwida. L-ispejjeż ta' ristrutturar globali kienu jlaħħqu kważi EUR 6 miljun. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li d-deċiżjoni tal-muniċipalità li tagħti l-għajnuna lil MVV ġiet subordinata għal għadd ta' kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet ġew stipulati fil-pjan tan-negozju tal-2010 imsemmi fil-premessa 10.

(51)

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnutat li d-deċiżjoni tal-muniċipalità li tirrinunzja s-self u l-ħlas tagħha għall- De Geusselt ġiet wara analiżi dwar in-natura u l-kawżi tad-diffikultajiet ta' MVV. It-tranżazzjoni kienet ibbażata fuq għadd ta' kundizzjonijiet bil-għan li jirkupraw il-vijabbiltà fuq terminu twil tal-klabb f'perjodu ta' żmien raġonevoli ta' tliet snin u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-KNVB biex tkompli tilliċenzja l-MVV għal kompetizzjonijiet professjonali. Il-pjan ta' ristrutturar kien jinvolvi maniġment ġdid, tnaqqis fil-persunal u fil-grupp ta' plejers. Il-pjan ta' ristrutturar ma jiddependix fuq fatturi esterni li MVV jista' jsegwi iżda ma jkollox kompletament taħt il-kontroll tiegħu, bħat-tisjib ta' sponsors ġodda u ż-żieda fin-numru ta' spettaturi. It-titjib kontinwu tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-klabb huwa previst, kif ukoll it-tkomplija tal-operat tiegħu bħala klabb tal-futbol professjonali. L-iżvilupp kif stabbilit fil-premessa hawn taħt juri li l-pjan fil-fatt kien wieħed realistiku.

(52)

Il-miżuri meħuda kienu neċessarji għall-irkupru tal-vijabbiltà ta' MVV. Is-saħħa finanzjarja tal-klabb fil-fatt ġiet irkuprata. B'riżultat ta' dawk il-miżuri, matul l-istaġun kollu tal-2009/2010, MVV għamel profitt ta' EUR 3,9 miljun u għall-ewwel darba f'diversi snin kellu ekwità proprja pożittiva ta' EUR 0,051 miljun. L-istaġun li kien imiss 2010/2011 intemm bi profitt ta' EUR 0,021 miljun u l-ekwità proprja ta' MVV kienet tammonta għal EUR 0,072 miljun. MVV laħaq l-ekwilibriju fl-2011/2012. Il-KNVB tejbet l-istatus finanzjarju ta' MVV minn Kategorija 1 (insuffiċjenti) għal 3 (tajjeb) fil-bidu tal-istaġun 2011/2012.

4.2.1.   Miżuri ta' kumpens

(53)

Il-Punti 38 sa 42 tal-Linji Gwida jeħtieġu li jittieħdu miżuri ta' kumpens mill-benefiċjarju sabiex iċekknu l-effett tat-tfixkil tal-għajnuna u l-effetti negattivi tagħha fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali. Madanakollu, skont il-punt 41 tal-Linji Gwida din il-kundizzjoni ma tapplikax għal intrapriżi żgħar, bħal MVV.

4.2.2.   Għajnuna limitata għall-inqas livell

(54)

Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' ristrutturar huwa sa punt konsiderevoli ffinanzjat minn entitajiet privati esterni barra mit-tfaddil intern li jkun sar, skont il-punti 43 u 44 tal-Linji Gwida. Diversi entitajiet privati qablu li jirrinunzjaw id-dejn ukoll. Il-kontribuzzjoni globali tal-kredituri u l-muniċipalità għall-finanzjament mill-ġdid ta' MVV kienet ta' madwar EUR 5,8 miljun (ir-rinunzji tad-dejn u x-xiri tal-istejdjum u l-lokazzjoni fit-tul flimkien). Il-kontribuzzjoni mir-rinunzji tad-dejn tal-entitajiet privati barra mill-Istat kienet ta' EUR 2,25 miljun u għalhekk ogħla mill-25 % meħtieġa għall-intrapriżi żgħar.

(55)

L-ammont tal-għajnuna kien meħtieġ. Skont il-pjan ta' ristrutturar dan għandu jwassal għal inqas telf fl-istaġuni 2011/2012 u 2012/2013 u riżultati pożittivi moderati aktar tard. Dan ma kienx jippermetti lil MVV jixtri plejers ġodda jew jattirahom b'salarji ogħla.

(56)

Il-pjan kien imfassal biex jippermetti MVV aktar effiċjenti jibda mill-ġdid, mingħajr id-dejn tiegħu, iżda bi struttura ġdida. Il-miżuri għandhom iwasslu għal pożizzjoni finanzjarja b'saħħitha ta' MVV, li tissodisfa wkoll ir-rekwiżiti tal-KNVB. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tfakkar li kull klabb tal-futbol professjonali Netherlandiż jirċievi liċenzja mill-KNVB, skont liema għandu jikkonforma ma' diversi obbligi. Wieħed mill-obbligi jikkonċerna s-saħħa finanzjarja tal-klabb. Kull staġun, klabb huwa obbligat jissottometti rapporti finanzjarji sal-1 ta' Novembru, l-1 ta' Marzu u l-15 ta' Ġunju, li fost l-oħrajn jagħtu stampa tas-sitwazzjoni finanzjarja attwali tiegħu, kif ukoll il-baġit għall-istaġun li jmiss. Abbażi ta' dawn ir-rapporti, il-klabbs jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji (1: insuffiċjenti, 2: suffiċjenti, 3: tajjeb). Il-klabbs tal-Kategorija 1 huma obbligati jippreżentaw pjan għat-titjib biex jilħqu l-Kategoriji 2 jew 3. Jekk il-klabb ma jirnexxilux jikkonforma mal-pjan, il-KNVB tista' timponi sanzjonijiet, inkluż twissija uffiċjali, tnaqqis fil-punti ta' kompetizzjoni u — bħala sanzjoni finali — it-tneħħija tal-liċenzja. Klabb tal-futbol professjonali fin-Netherlands li jiddikjara li huwa fallut jitlef il-liċenzja tiegħu. Jekk klabb suċċessur jiġi mwaqqaf, ma jitħalliex jidħol direttament fil-ligs tal-futbol professjonali, iżda jkollu jibda mit-tieni l-ogħla lig amatorjali.

(57)

Il-pjan ta' ristrutturar kien jinvolvi maniġment ġdid, struttura ġdida, isem ġdid, tnaqqis fis-salarji u fil-persunal, inkluż fil-grupp tal-plejers. Diversi plejers ġew trasferiti, il-kuntratti eżistenti ġew terminati jew prolungati għal paga aktar baxxa, ġew konklużi kuntratti ġodda mingħajr pagamenti għal trasferimenti jew inkrew plejers minn klabbs oħrajn, xi kuntratti amatorjali ġew konklużi; dan wassal għal tnaqqis fl-ispejjeż tal-persunal u tal-plejers ta' 40 %. Kif deskritt fil-premessi 26 et seq, kredituri oħrajn barra mill-muniċipalità rrinunzjaw pretensjonijiet fuq MVV li jammontaw għal EUR 2,25 miljun. Għaldaqstant MVV ġie liberat kważi kompletament mid-dejn tiegħu.

(58)

Il-Kummissjoni sabet li l-pjan ta' ristrutturar jindirizza l-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji ta' MVV, speċjalment l-ispiża tal-plejers fil-forma ta' pagi u pagamenti għal trasferimenti. Klabb tal-futbol professjonali ma jistax ikun mistenni jiddiversifika fi swieq oħra fis-sens tal-Linji Gwida; madanakollu jista' jkun mistenni jagħmel tfaddil rigward l-attività ewlenija tiegħu u l-MVV hekk għamel. In-Netherlands ipprovdiet ukoll lista ta' miżuri meħuda minn MVV biex jaqta' spejjeż oħra fl-użu tal-klabb. Il-pjan ta' ristrutturar ma jiddependix fuq fatturi esterni li MVV jista' jsegwi iżda ma jkollox kompletament taħt il-kontroll tiegħu, bħat-tisjib ta' sponsors ġodda u ż-żieda fin-numru ta' spettaturi. Għalhekk il-Kummissjoni ssib li l-implimentazzjoni tal-pjan tippermetti li MVV ikompli jopera fuq bażi sana fil-futbol professjonali Netherlandiż, kif kien rikonoxxut ukoll mill-KNVB, li tatu l-istatus ta' Kategorija 3. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-pjan ta' ristrutturar sa ċertu punt huwa ffinanzjat minn entitajiet privati esterni barra mit-tfaddil intern li jkun sar. Dan jissodisfa r-rekwiżit tal-punt 44 tal-Linji Gwida li għal intrapriża żgħira bħal MVV tal-anqas 25 % tal-ispiża tar-ristrutturar għandha titħallas mill-kontribuzzjoni proprja tal-benefiċjarju, inkluż il-finanzjament estern li juri twemmin fil-vijabbiltà tal-benefiċjarju.

(59)

Barra minn hekk, in-Netherlands ipprovdiet informazzjoni dwar attivitajiet addizzjonali tal-MVV ristrutturat favur is-soċjetà inkluż għadd ta' skejjel f'Maastricht u fl-Euregio. Jista' jingħad li dawn l-attivitajiet jikkontribwixxu għall-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport, kif imsemmi fl-Artikolu 165 tat-Trattat.

Monitoraġġ u rapport annwali u l-prinċipju tal-ewwel u tal-aħħar darba

(60)

Il-Punt 49 tal-Linji Gwida jitlob lill-Istat Membru jikkomunika dwar l-implimentazzjoni xierqa tal-pjan ta' ristrutturar permezz ta' rapporti dettaljati regolari. Il-Punt 51 jistabbilixxi kundizzjonijiet anqas stretti għal intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fejn it-trażmissjoni ta' kopji annwali tal-karta tal-bilanċ u r-rapport tal-introjtu normalment jitqiesu suffiċjenti. In-Netherlands impenjat ruħha li tissottometti dawn ir-rapporti. Skont il-Linji Gwida, in-Netherlands impenjat ruħha li tibgħat rapport finali wara t-tlestija tal-pjan ta' ristrutturar.

(61)

Il-Punti 72-77 tal-Linji Gwida jirreferu għall-prinċipju “tal-ewwel u tal-aħħar darba”, skont liema l-għajnuna għar-ristrutturar għandha tingħata darba biss f'perjodu ta' għaxar snin. In-Netherlands speċifikat li MVV ma rċeviex għajnuna ta' salvataġġ jew ristrutturar fl-għaxar snin qabel l-għotja ta' din l-għajnuna. Barra minn hekk, in-Netherlands impenjat ruħha li ma tagħtix għajnuna ta' salvataġġ jew ristrutturar ġdida lil MVV f'perjodu ta' għaxar snin.

5.   KONKLUŻJONI

(62)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li n-Netherlands naqset milli tirrispetta l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat billi ma għamlitx notifika minn qabel tal-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 3,55 miljun, li ngħatat lil MVV fl-2010, meta dan kien qed jesperjenza diffikultajiet finanzjarji. Madanakollu, din l-għajnuna tista' titqies kompatibbli mas-suq intern bħala għajnuna ta' ristrutturar fis-sens tal-Linji Gwida, peress li l-kundizzjonijiet kollha għal tali għajnuna stipulati fil-Linji Gwida ġew issodisfati,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li n-Netherlands implimentat favur il-klabb tal-futbol MVV f'Maastricht, u li tammonta għal EUR 3,55 miljun, hija kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN) — l-għajnuna tan-Netherlands lil ċerti klabbs professjonali tal-futbol Olandiżi bejn 2008-11 — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 116, 23.4.2013, p. 19).

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 1.

(3)  Fl-Artikolu 2(2) tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36), intrapriża żgħira hija definita bħala intrapriża li timpjega anqas minn 50 persuna u li l-fatturat annwali tagħha ma jaqbiżx l-EUR 10 miljun.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2). L-applikazzjoni ta' dawk il-Linji Gwida ġiet prolungata mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward l-estensjoni tal-applikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà tal-1 ta' Ottubru 2004 (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3).

(5)  Il-Kawża T-1/12, Ir-Repubblika Franċiża vs Il-Kummissjoni Ewropea, il-paragrafu 37 et seq. u l-ġurisprudenza msemmija fiha (Il-Kawża T-11/95, BP Chemicals Limited vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej).

(6)  Il-Kawża BP Chemicals, il-paragrafu 171.

(7)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

(*)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(8)  Il-minuti tal-Kunsill muniċipali tal-25 ta' Mejju 2010, taħt il-punt 10. Barra minn hekk, skont il-punt 5, minkejja li l-muniċipalità ipprovdiet ir-raġuni għax-xiri tal-istejdjum dik li tiggarantixxi l-pożizzjoni tagħha fil-proprjetà immobbli, tirreferi wkoll għal effetti ekonomiċi jew soċjali oħra li tixtieq li tikseb.

(9)  Lokazzjoni oħra ġiet konkluża ma' MVV fil-21 ta' Ġunju 2010.

(10)  Rekenkamer Maastricht: De relatie tussen de gemeente Maastricht en MVV.

(11)  Il-lokazzjoni l-ġdida kienet marbuta mal-fatturat ta' MVV b'minimu ta' EUR 75 000; jekk MVV kellu jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu, il-kera tiżdied. L-introjtu mill-kera tal-istejdjum għal użi oħra jkun dovut ukoll lill-muniċipalità.

(12)  Fondazzjoni, li skont in-Netherlands hija indipendenti kemm minn MVV kif ukoll mill-muniċipalità ta' Maastricht.

(13)  Dan fil-fatt intwera minn klabb tal-futbol professjonali ieħor Netherlandiż, PEC Zwole, li wkoll kien jilgħab fit-tieni lig fl-2010/2011. PEC ġie promoss għall-ewwel lig fl-2012/2013 u fl-2013/2014 rebaħ it-tazza tal-futbol nazzjonali li fl-2014/2015 intitolatu jilgħab fil-livell Ewropew.

(14)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-Ġermanja tal-20 ta' Marzu 2013 dwar il- Multifunktionsarena der Stadt Erfurt (Il-Każ SA.35135 (2012/N)), il-punt 12, u l- Multifunktionsarena der Stadt Jena (Il-Każ SA.35440 (2012/N)), l-avviżi fil-qosor f'ĠU C 140, 18.5.2013, p. 1, u tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar il- Fußballstadion Chemnitz (Il-Każ SA.36105 (2013/N)), l-avviż fil-qosor f'ĠU C 50, 21.2.2014, p. 1.

(15)  Il-Kawża C-364/90, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ECLI:EU:C:1993:157, il-punt 20.

(16)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna 4.

(17)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1).


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1848

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-miżura SA.40018 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Ungerija fuq l-Emenda tal-2014 għat-tariffa Ungeriża għall-ispezzjoni tal-katina alimentari

(notifikata bid-dokument C(2016) 4056)

(Il-verżjoni Ungeriża biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ikkwotati hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Bis-saħħa tal-artikli li dehru fl-istampa ppubblikati f'Diċembru 2014, il-Kummissjoni saret taf bl-emenda tal-2014 għall-Att Ungeriż tal-2008 dwar il-Katina Alimentari, li jirregola t-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari. Permezz ta' ittra tas-17 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ungeriżi, li wieġbu b'ittra tas-16 ta' April 2015.

(2)

Permezz ta' ittra datata l-15 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ungerija li kienet iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem: “it-Trattat”) fir-rigward tal-miżura ta' għajnuna (id-“Deċiżjoni ta' Ftuħ”). Il-Kummissjoni ordnat ukoll is-sospensjoni immedjata tal-miżura skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (2) fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(3)

Id-Deċiżjoni ta' Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura ta' għajnuna.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand parti interessata waħda. Permezz ta' ittra tat-13 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni għaddiet il-kummenti lill-Ungerija, li ngħatat l-opportunità li twieġeb. L-Ungerija ma weġbitx għal dawn il-kummenti.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   L-Att tal-2008 dwar il-Katina Alimentari li jistabbilixxi tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari

(5)

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari huma stabbiliti fl-Att XLVI tal-2008 dwar il-katina alimentari u s-superviżjoni uffiċjali tagħha (l-“Att dwar il-Katina Alimentari”) u fid-Digriet Nru 40 tas-27 ta' April 2012 tal-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali dwar ir-regoli sabiex issir dikjarazzjoni dwar it-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentariu l-ħlas tagħha. Impriżi meqjusin bħala operaturi tal-katina alimentari skont l-Att dwar il-Katina Alimentari jridu jħallsu t-tariffa fir-rigward tal-fatturat tagħhom li jagħmlu b'rabta ma' ċerti attivitajiet. L-Att jipprovdi lista tal-attivitajiet (4) li fir-rigward tagħhom il-kumpaniji huma obbligati jħallsu t-tariffa tal-ispezzjoni.

(6)

L-impriżi kollha (kumpaniji u persuni ġuridiċi oħrajn, iżda anki persuni privati li jwettqu l-attivitajiet tagħhom bħala kummerċjant waħdieni jew produttur primarju) li joperaw fl-Ungerija li ġġeneraw fatturat mill-attivitajiet elenkati fis-sena ta' qabel id-dikjarazzjoni huma soġġetti għall-ħlas tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari. L-iskop tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari huwa li tkopri l-ispiża tat-twettiq mill-Uffiċċju Nazzjonali għas-Sikurezza tal-Katina Alimentari (aġenzija Statali) ta' kompiti marbutin ma' ċerti attivitajiet regolatorji u superviżorji tal-katina tal-provvista. It-tariffa superviżorja hija kkalkolata fuq bażi annwali u l-persuna soġġetta għat-tariffa hija obbligata tiddikjara u tħallas indipendentement minn jekk twettqux kontrolli uffiċjali speċifiċi fuq il-post.

(7)

Sal-31 ta' Diċembru 2014, ir-regola stabbilita mill-Att dwar il-Katina Alimentari kienet li l-operaturi kollha tal-katina alimentari kellhom iħallsu t-tariffa fir-rigward tal-fatturat rilevanti b'rata fissa ta' 0,1 %.

(8)

It-tariffa miġbura għall-ispezzjoni tal-katina alimentari tista' tintefaq biss fuq il-kompiti stipulati fl-istrateġija għas-sikurezza tal-katina alimentari u l-attivitajiet tal-awtorità tal-katina alimentari.

2.2.   L-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari

(9)

Skont l-emenda tal-Artikolu 47/B tal-Att dwar il-Katina Alimentari mill-Att LXXIV tal-2014 (5) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015 (minn hawn 'il quddiem imsejħa: “l-emenda tal-2014”), iddaħħlu regoli speċifiċi għall-kalkolu tat-tariffa għall-ispezzjoni applikabbli għall-fatturat iġġenerat minn ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr (6) fis-suq Ungeriż.

(10)

L-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari tintroduċi struttura ta' tariffi progressivi għall-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr (7), b'rati li jvarjaw minn 0 % sa 6 %. B'mod iktar preċiż, għall-fatturat huma applikati r-rati li ġejjin soġġetti għat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari:

0 % għall-fatturat li ma jaqbiżx il-HUF 500 miljun (madwar EUR 1,6 miljun);

0,1 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 500 miljun iżda li ma jaqbiżx il-HUF 50 biljun (madwar EUR 160,6 miljun);

1 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 50 biljun iżda li ma jaqbiżx il-HUF 100 biljun (madwar EUR 321,2 miljun);

2 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 100 biljun iżda li ma jaqbiżx il-HUF 150 biljun (madwar EUR 481,8 miljun);

3 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 150 biljun iżda li ma jaqbiżx il-HUF 200 biljun (madwar EUR 642,4 miljun);

4 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 200 biljun iżda li ma jaqbiżx il-HUF 250 biljun (madwar EUR 803 miljun);

5 % għall-fatturat li jaqbeż il-HUF 250 biljun iżda li ma jaqbiżx it-HUF 300 biljun (madwar EUR 963,5 miljun);

6 % għall-fatturat li jaqbeż it-HUT 300 biljun.

(11)

Skont l-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari, l-operaturi kollha l-oħrajn tal-katina alimentari baqgħu soġġetti għat-tariffa kkalkolata fuq il-fatturat rilevanti b'rata fissa ta' 0,1 %.

(12)

La d-dispożizzjoni emendata tal-Att Ungeriż dwar il-Katina Alimentari u lanqas il-memorandum ta' spjegazzjoni tiegħu ma jagħmlu referenza għar-raġunijiet wara l-introduzzjoni ta' regoli speċifiċi fir-rigward tar-rata tat-tariffa għal ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr. Lanqas ma tingħata xi spjegazzjoni dwar id-determinazzjoni tal-meded tal-fatturat differenti u r-rati tat-tariffi korrispondenti.

(13)

It-tariffa hija soġġetta għad-dikjarazzjoni mill-operaturi tal-katina alimentari. Tista' titħallas f'livell annwali f'żewġ ħlasijiet parzjali indaqs sal-31 ta' Lulju u l-31 ta' Jannar. Il-liġi tipprovdi wkoll għal proċeduri ssimplifikati f'każijiet li fihom it-tariffa tkun inqas minn HUF 1 000 (madwar EUR 3,20). F'dak il-każ, it-tariffa tibqa' soġġetta għal dikjarazzjoni, iżda ma għandhiex titħallas.

(14)

Piena fuq ħlasijiet tardivi hija pagabbli għal kwalunkwe tariffa għall-ispezzjoni mhux imħallsa sal-iskadenza. Tista' tiġi imposta piena prestabbilita jekk il-persuni jew l-entitajiet soġġetti għat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari jonqsu milli jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni, jew li jissodisfawh tard, b'mod inkomplut jew b'dejta mhux vera.

3.   IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI

3.1.   Motivi għall-bidu ta' proċedura ta' investigazzjoni formali

(15)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' investigazzjoni formali għaliex qieset li f'dak l-istadju l-istruttura ta' tariffi progressivi (rati u meded tal-fatturat) introdotta bl-emenda tal-2014 kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli.

(16)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni qieset li r-rati progressivi introdotti mill-emenda tal-2014 kienu jagħmlu distinzjoni bejn impriżi fuq il-bażi tal-fatturat tagħhom u, għaldaqstant, fuq id-daqs tagħhom u tagħti vantaġġ selettiv lill-impriżi b'fatturat baxx u, b'hekk lill-impriżi ż-żgħar. L-Ungerija ma tatx evidenza li l-istruttura ta' tariffi progressivi applikabbli għall-ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr, bħal supermarkets, tikkorrispondi għal mudell progressiv simili osservat fl-ispejjeż li jġarrab l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari għall-ispezzjonar ta' dawk il-ħwienet. Għaldaqstant, l-Ungerija ma wrietx li l-miżura kienet iġġustifikata mill-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-miiżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li kien jidher li kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha l-oħrajn stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(17)

Finalment, il-Kummissjoni tqajjem dubji dwar kemm il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern. B'mod partikolari, il-Kummissjoni fakkret li ma tistax tiddikjara bħala kompatibbli miżura ta' għajnuna mill-Istat li tikser regoli oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, bħal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat jew id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni. F'dak l-istadju, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-miżura kienet immirata b'mod partikolari lejn impriżi bi sjieda barranija, li tista' tinvolvi ksur tal-Artikolu 49 tat-Trattat li jistabbilixxi l-libertà fundamentali tal-istabbiliment u esprimiet dubji wkoll fuq kemm id-differenza fit-trattament tat-taxxa li tinvolvi l-miżura kienet meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv ta' ssodisfar tal-obbligi stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

3.2.   Modifiki tal-bażi ġuridika tat-tariffa għall-ispezzjoni wara l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali

(18)

Fis-27 ta' Ottubru 2015, il-gvern Ungeriż ippreżenta lill-Parlament Ungeriż proposta għal Att li jemenda l-Att XLVI tal-2008 dwar il-katina alimentari u s-superviżjoni uffiċjali tagħha. Fis-17 ta' Novembru 2015, il-Parlament Ungeriż adotta l-Att CLXXXII tal-2015 li jemenda l-Att XLVI tal-2008 dwar il-katina alimentari u s-superviżjoni uffiċjali tegħu, li ġie ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali Ungeriża (Magyar Közlöny) Nru 182/2015 tas-26 ta' Novembru 2015. Il-liġi l-ġdida daħlet fis-seħħ fil-31 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha, jiġifieri fis-27 ta' Diċembru 2015.

(19)

L-emenda ta' Novembru 2015 tabolixxi l-istruttura ta' tariffi progressivi introdotta mill-emenda tal-2014 u terġa' ddaħħal tariffa fissa għall-ispezzjoni ta' 0,1 % għall-operaturi kollha tal-katina alimentari, kif kien il-każ qabel l-emenda tal-2014 għall-Att.

3.3.   Kummenti mill-Ungerija

(20)

L-Ungerija ma bagħtet ebda kumment lill-Kummissjoni bħala tweġiba għad-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

(21)

Minflok, b'ittra tas-16 ta' Settembru 2015 indirizzata lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, l-Ungerija bagħtet proposta għal tariffa emendata għall-ispezzjoni tal-katina alimentari lill-Kummissjoni. F'din il-proposta, rata ta' 0 % tkun sostitwita u, minflok l-istruttura ta' tariffi progressivi bi tmien rati (bejn 0 % u 6 %), tiġi introdotta sistema b'żewġ rati (0,1 % għal operaturi tas-settur tal-konsumatur b'fatturat baxx u 0,3 % għall-operaturi tas-settur tal-konsumatur b'fatturat ogħla).

(22)

B'ittra tas-7 ta' Ottubru 2015, is-servizzi tal-Kummissjoni għarrfu lill-Ungerija li, għad li d-differenza bejn ir-rati tat-tariffi naqsu bil-proposta l-ġdida, it-tariffa l-ġdida proposta tibqa' struttura ta' tariffi progressivi, li toħloq problemi minn perspettiva ta' għajnuna mill-Istat jekk ma tkunx iġġustifikata mill-prinċipji ta' gwida tas-sistema tat-tariffa għall-ispezzjoni.

(23)

B'ittra tas-7 ta' Ottubru 2015, l-Ungerija bagħtet iktar informazzjoni u dejta bil-għan li tiġġustifika l-istruttura ta' tariffi progressivi doppja fuq il-bażi tal-ispiża tas-superviżjoni tal-atturi ewlenin tas-suq u unitajiet kummerċjali oħrajn. B'mod partikolari, l-Ungerija argumentat li l-atturi ewlenin għandhom struttura kumplessa li teħtieġ kontroll iktar ikkumplikat u ferm iktar riżorsi mingħand l-awtorità li tagħmel dawn il-kontrolli.

(24)

Wara t-talba tal-Ungerija sabiex tirċievi rispons fuq il-proposta li għamlet fl-ittra tas-16 ta' Settembru 2015 u fuq l-informazzjoni addizzjonali pprovduta fl-ittra tagħha tas-7 ta' Ottubru 2015, is-servizzi tal-Kummissjoni għarrfu lill-Ungerija permezz ta' ittra tas-17 ta' Marzu 2016 li d-dejta pprovduta ma turix li l-ispiża tal-kontrolli bħala sehem mill-fatturat tiżdied bl-istess mod bħar-rati tat-tariffa. B'mod partikolari, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermaw il-fehma tagħhom li ċ-ċifri pprovduti ma kinux juru li l-ispiża tal-ispezzjonijiet għall-kumpaniji li jaqgħu taħt ir-rata ta' 0,3 % huma tliet darbiet ogħla — għal kull forint tal-fatturat ikkontrollat — minn dawk tal-kumpaniji li jaqgħu taħt ir-rata ta' 0,1 %. B'hekk, l-istruttura progressiva b'żewġ tariffi jkollha tiġi kkunsidrata li tipprovdi vantaġġ selettiv lill-impriżi li jaqgħu taħt il-medda inferjuri.

(25)

Fl-aħħar, l-Ungerija ma ppreżentatx din il-proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ungeriż sabiex jemenda l-Att XLVI tal-2008 dwar il-katina alimentari u s-superviżjoni uffiċjali tagħha.

3.4.   Kummenti mingħand il-partijiet interessati

(26)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn parti interessata waħda. Dik il-parti interessata topera fis-suq Ungeriż u taqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ. Dik il-parti interessata targumenta li l-miżura tfasslet sabiex tkun immirata b'mod speċifiku lejn kumpaniji barranin, xi ħaġa li targumenta li hija possibbli fid-dawl tal-istruttura tas-suq Ungeriż tal-konsumaturi. Skont dik il-parti, kumpaniji barranin fis-settur tal-konsumatur fl-Ungerija joperaw fergħat jew sussidjarji, li jżidu l-livell tal-fatturat (konsolidat) tagħhom. Għall-kuntrarju, l-impriżi Ungeriżi huma organizzati f'sistema ta' frankiġja, b'kull ħanut individwali — jew numru limitat minnhom — li jkun operat minn entità ġuridika differenti li ma tkunx parti mill-entità jew il-grupp korporattivi tal-franchisor. Skont l-istimi pprovduti mill-parti interessata, il-bejjiegħa bl-imnut barranin (gruppi korporattivi) flimkien bħalissa jkollhom sehem ta' bejn wieħed u ieħor 50 % fl-Ungerija, iżda jġarrbu madwar 95 % tal-volum tat-tariffa għall-ispezzjoni, filwaqt li l-bejjiegħa bl-imnut Ungeriżi ġeneralment jaqgħu fi ħdan il-meded tat-tariffi ta' 0 % jew 0,1 % skont l-Artikolu 47/B tal-Att dwar il-Katina Alimentari.

(27)

Fi kliem ieħor, il-bejjiegħa bl-imnut tal-ikel Ungeriżi, minħabba l-organizzazzjoni tas-sistema frankiġja tagħhom, jaqgħu b'mod awtomatiku taħt il-meded inferjuri tat-tariffa (soġġetti għal rati ta' 0 % jew 0,1 %), filwaqt li l-fergħat/sussidjarji ta' kumpaniji prinċipali barranin tal-UE, li mhumiex organizzati skont is-sistema frankiġja, ġeneralment ikunu milqutin minn livelli ogħla tat-tariffa. B'hekk, skont il-parti interessata, it-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari tagħti vantaġġ selettiv kemm lill-impriżi iżgħar kif ukoll lil dawk l-impriżi li joperaw fil-kummerċ għall-konsumaturi li mhumiex organizzati f'sistema ta' fergħat, jiġifieri għal impriżi Ungeriżi vs dawk barranin.

3.5.   Kummenti mill-Ungerija dwar il-kummenti tal-partijiet interessati

(28)

Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda tweġiba mill-Ungerija dwar il-kummenti mill-parti interessata unika, li ngħaddewlha ma' ittra tat-13 ta' Ottubru 2015.

4.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(29)

Il-Kummissjoni tillimita l-valutazzjoni tagħha f'din id-Deċiżjoni għad-dispożizzjonijiet tal-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari, b'mod iktar speċifiku għad-dispożizzjoni emendata li tistabbilixxi struttura ta' tariffi progressivi (rati u meded tal-fatturat) fuq il-ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr fl-Ungerija kif stipulat fil-premessa 10 iktar 'il fuq.

4.1.   Preżenza ta' għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat

(30)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, “[ħ]lief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(31)

Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta' miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata mir-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tagħha; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

4.1.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabilità lill-Istat

(32)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura trid tkun iffinanzjata permezz ta' riżorsi tal-Istat u tkun imputabbli lil Stat Membru.

(33)

Peress li l-miżura tirriżulta minn Att tal-Parlament Ungeriż, huwa ċar li hija imputabbli lill-Istat Ungeriż. L-argument tal-Ungerija li, peress li l-bażi ġuridika tat-tariffa hija r-Regolament (KE) Nru 882/2004, it-tariffa ma tistax tiġi imputata lill-Istat Ungeriż, ma jistax jiġi aċċettat.

(34)

Il-Qrati tal-Ungerija kienu ddikjaraw li eżenzjoni mit-taxxa adottata minn Stat Membru li jimplimenta direttiva tal-Unjoni skont l-obbligi tiegħu tat-Trattat mhijiex imputabbli lil dak l-Istat Membru, iżda tirriżulta minn att tal-leġiżlatura tal-Unjoni u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (9). Madankollu, ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistabbilixxi l-obbligi ġenerali għall-Istati Membri u ma jimponix fuqhom l-obbligu li jistabbilixxu tariffi progressivi fuq il-bażi tal-fatturat għat-twettiq ta' kontrolli, u b'hekk ma jistax jingħad li l-emenda tal-2014 ġejja minn att tal-leġiżlatura tal-Unjoni. L-Artikolu 26 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li riżorsi finanzjarji adegwati jkunu disponibbli biex jipprovdu għall-impjegati meħtieġa u riżorsi oħra għall-kontrolli uffiċjali b'kull mezz ikun x'ikun kunsidrat xieraq, inkluż permezz ta' tassazzjoni ġenerali jew billi jiġu stabbiliti tariffi u piżijiet.” Skont l-Artikolu 27(1), “L-Istati Membri jistgħu jiġbru tariffi jew piżijiet biex ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali”. B'hekk, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali li jistabbilixxu l-ammont tat-tariffi sal-limiti tat-tali leġiżlazzjoni, u b'mod partikolari f'konformità mal-Artikolu 27 tagħha. Għalhekk, kwalunkwe għażla li ssir f'dak il-kuntest hija imputabbli lill-Istat Ungeriż.

(35)

Rigward il-finanzjament tal-miżura mir-riżorsi tal-Istat, fejn ir-riżultat ta' miżura jkun dak li l-Istat jitlef dħul li kien ikollu jiġbor mingħand impriża f'ċirkustanzi normali, dik il-kundizzjoni hija ssodisfata wkoll (10). F'dan il-każ, l-Istat Ungeriż jirrinunzja għar-riżorsi li kien ikollu jiġbor mingħand l-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livell inqas ta' fatturat (u b'hekk l-impriżi ż-żgħar), li kieku kienu soġġetti għall-istess tariffa għall-ispezzjoni bħall-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livell għoli ta' fatturat.

4.1.2.   Vantaġġ

(36)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, il-kunċett ta' għajnuna ma jkoprix biss il-benefiċċji pożittivi, iżda anki miżuri li, f'forom varji, jimmitigaw it-tariffi li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta' impriża (11). Għad li miżura li tinvolvi tnaqqis f'taxxa jew f'imposta ma tinvolvix trasferiment pożittiv ta' riżorsi mill-Istat, twassal għal vantaġġ għaliex tqiegħed lill-impriżi li tapplika għalihom f'pożizzjoni finanzjarja iktar favorevoli minn kontribwenti oħrajn u tirriżulta f'telf ta' dħul għall-Istat (12). Vantaġġ jista' jingħata permezz ta' tipi differenti ta' tnaqqis fil-piż tat-taxxa ta' kumpanija u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fir-rata tat-taxxa applikabbli, il-bażi taxxabbli jew fl-ammont tat-taxxa dovuta (13).

(37)

L-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari tistabbilixxi struttura ta' tariffi progressivi li tapplika għal operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr skont il-medda li fiha jaqa' l-fatturat ta' dawk l-impriżi. Il-karattru progressiv ta' dawk it-tariffi għandu l-effett li l-persentaġġ medju tat-tariffa imposta fuq il-fatturat ta' ħanut tiżdied meta jiżdied il-fatturat tiegħu u jilħaq il-medda superjuri li jmiss. Dan għandu r-riżultat li l-impriżi b'fatturat inferjuri (impriżi iżgħar) huma soġġetti għat-tariffa b'rata medja sostanzjalment inqas minn impriżi b'fatturat għoli (impriżi ikbar). Il-fatt li huma soġġetti għat-tariffa b'din ir-rata medja sostanzjalment inqas jimmitiga t-tariffi li jridu jġarrbu l-impriżi b'fatturat baxx meta mqabblin mal-impriżi b'fatturat għoli u, għalhekk, dan jikkostitwixxi vantaġġ għall-benefiċċju ta' impriżi iżgħar meta mqabblin mal-impriżi ikbar għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

4.1.3.   Selettività

(38)

Miżura hija selettiva jekk tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(39)

Għal skemi fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-selettività ta' miżura għandha, fil-prinċipju, tiġi vvalutata permezz ta' analiżi maqsuma fi tliet stadji (14). L-ewwel jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru: “is-sistema ta' referenza”. It-tieni, għandu jiġi stabbilit jekk miżura partikolari tikkostitwixxix deroga minn dik is-sistema peress li tiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi intrinsiċi għas-sistema, ikunu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. Jekk il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta' referenza, ma tkunx selettiva. Jekk iva (u għalhekk tkun selettiva prima facie), irid ikun stabbilit, fit-tielet stadju tal-analiżi, jekk il-miżura derogatorja hijiex iġġustifikata mill-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema tat-taxxa (ta' referenza) (15). Jekk miżura selettiva prima facie tkun iġġustifikata mill-għamla jew l-iskema ġenerali tas-sistema, mhijiex sejra titqies li hija selettiva u, b'hekk, sejra taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(a)   Sistema ta' referenza

(40)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta' referenza hija t-tariffa għall-ispezzjoni fuq l-impriżi tal-katina alimentari li joperaw fl-Ungerija (16). Il-Kummissjoni ma tqisx li l-istruttura tat-tariffi progressivi introdotta bl-emenda tal-2014 tista' tifforma parti minn dik is-sistema ta' referenza.

(41)

Kif speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja (17), mhux dejjem biżżejjed li l-analiżi tas-selettività tiġi limitata għal jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza kif identifikata mill-Istat Membru. Hemm bżonn li jiġi evalwat ukoll jekk il-limiti ta' dik is-sistema tfasslux mill-Istat Membru b'mod konsistenti jew, inkella, tfasslux b'mod arbitrarju jew bi preġudizzju ċar, b'tali mod li jiffavorixxu lil ċerti impriżi fuq oħrajn. Inkella, minfok ma jistabbilixxi regoli ġenerali li japplikaw għall-impriżi kollha li minnhom issir deroga għal ċerti impriżi, l-Istat Membru jista' jikseb l-istess riżultat, filwaqt li jevita r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, billi jaġġusta u jgħaqqad ir-regoli tiegħu b'tali mod li, sa mill-applikazzjoni tagħhom, jirriżultaw f'piż differenti għal impriżi differenti (18). Huwa partikolarment importanti li jitfakkar li, f'dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b'konsistenza li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma jagħmilx distinzjoni bejn miżuri ta' intervent mill-Istat b'referenza għall-kawżi tagħhom jew l-iskopijiet tagħhom, iżda jiddefinixxihom b'rabta mal-effetti tagħhom u, b'hekk, b'mod indipendenti mit-tekniki użati (19).

(42)

Filwaqt li l-applikazzjoni ta' rata fissa għall-fatturat tal-operaturi tal-katina alimentari hija mezz xieraq kif jiġu koperti l-ispejjeż li jġarrab l-Istat għall-attivitajiet ta' spezzjoni tiegħu b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 882/2004, l-istruttura tat-tariffi progressivi introdotta mill-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari tidher li hija mfassla mill-Ungerija sabiex tiffavorixxi lil ċerti impriżi fuq oħrajn. Qabel l-emenda tal-2014, l-operaturi kollha tal-katina alimentari, inklużi ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr, kellhom iħallsu t-tariffa fir-rigward tal-fatturat tagħhom b'rata fissa ta' 0,1 %. Skont l-istruttura ta' tariffi progressivi introdotta mal-emenda tal-2014, l-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr huma potenzjalment soġġetti għal sensiela ta' tmien rati ta' tariffi differenti, li jibdew minn 0 % u li jiżdiedu b'mod progressiv sa 6 %, skont il-meded li fihom jaqa' l-fatturat tagħhom. Konsegwentement, bħala riżultat tal-emenda tal-2014, tapplika rata tat-taxxa medja differenti għal impriżi soġġetti għat-tariffa skont l-għamla tal-attivitajiet tagħhom (jekk joperawx ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr) u l-livell ta' fatturat tagħhom (jekk jaqbiżx il-limiti stabbiliti minn dik l-emenda).

(43)

Peress li kull kumpanija hija ntaxxata b'rata differenti, mhuwiex possibbli għall-Kummissjoni li tidentifika rata ta' referenza waħda fit-tariffi kif emendati fl-2014. L-Ungerija la ppreżentat xi rata speċifikata bħala r-rata ta' referenza jew ir-rata “normali”, la spjegat għaliex rata ogħla tkun iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali għal operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livell għoli ta' fatturat, u lanqas ma spjegat għaliex għandhom ikunu japplikaw rati inqas għal ċerti kategoriji ta' operaturi jew operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livelli baxxi ta' fatturati.

(44)

Għaldaqstant, l-effett tal-emenda tal-2014 huwa li impriżi differenti jħallsu livelli differenti ta' taxxa (espressi bħala sehem mill-fatturat annwali kumplessiv tagħhom) skont l-attivitajiet tagħhom u, peress li l-ammont ta' fatturat li tagħmel impriża huwa korrelatat sa ċertu punt mad-daqs ta' dik l-impriża, skont id-daqs tagħhom. Madankollu, l-objettiv tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-ikel huwa li tiffinanzja kontrolli marbutin mas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel hu u jgħaddi mill-katina alimentari u l-istruttura ta' tariffi progressivi, b'rati li jvarjaw bejn 0 % u 6 %, ma jirriflettix ir-relazzjoni bejn l-ispiża tal-ispezzjonijiet fil-bini tal-impriżi koperti mill-miżura u l-fatturat tagħhom.

(45)

Fid-dawl ta' dak l-objettiv, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi kollha tal-katina alimentari, b'mod ġenerali, u l-operaturi kollha ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr, b'mod partikolari, huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, indipendentement mill-attivitajiet tagħhom jew il-livell ta' fatturat tagħhom, u l-Ungerija ma pprovdiet ebda ġustifikazzjoni konvinċenti sabiex tiddiskrimina bejn dawk it-tipi ta' impriżi f'dak li għandu x'jaqsam mal-imposta tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi 52 sa 57 ta' hawn taħt. Għaldaqstant, l-Ungerija b'mod deliberat fasslet it-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari b'tali mod sabiex tiffavorixxi b'mod arbitrarju lil ċerti impriżi, jiġifieri operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livell baxx ta' fatturat (u b'hekk lil impriżi iżgħar), u ttellef lil oħrajn, primarjament l-impriżi l-kbar, li għandhom ukoll it-tendenza li jkollhom sjieda barranija (20).

(46)

Għaldaqstant, is-sistema ta' referenza hija selettiva fl-għamla tagħha b'mod li mhuwiex iġġustifikat fid-dawl tal-objettiv tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-ikel, jiġifieri dak li tiffinanzja l-kontrolli marbutin mas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel hu u jgħaddi mill-katina alimentari. Konsegwentement, is-sistema ta' referenza xierqa f'dan il-każ hija l-impożizzjoni ta' tariffa għall-ispezzjoni fuq l-impriżi fil-katina alimentari li joperaw fl-Ungerija fuq il-bażi tal-fatturat tagħhom, bla ma l-istruttura ta' tariffi progressivi hija parti minn dik is-sistema.

(b)   Deroga mis-sistema ta' referenza

(47)

Bħala t-tieni stadju, hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza favur ċerti impriżi li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-objettiv intrinsiku tas-sistema ta' referenza.

(48)

Kif spjegat fil-premessa 44, l-objettiv intrinsiku tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-ikel hija li tiffinanzja l-kontrolli marbutin mas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel hu u jgħaddi mill-katina alimentari fl-Ungerija. Kif spjegat iktar f'dik il-premessa, l-operaturi kollha tal-katina alimentari, b'mod ġenerali, u l-operaturi kollha ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr, għandhom jitqiesu li huma f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl ta' dak l-objettiv, indipendentement mill-attivitajiet tagħhom jew il-livell ta' fatturat li jagħmlu.

(49)

Kif spjegat fil-premessa 37, l-istruttura ta' tariffi progressivi li, skont l-emenda tal-2014, tapplika biss għal operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr, għandha l-konsegwenza li l-impriżi b'livelli għoljin ta' fatturat huma soġġetti kemm għal tariffi għall-ispezzjoni marġinali sostanzjalment għoljin kif ukoll rati tat-tariffa għall-ispezzjoni medja sostanzjalment ogħla meta mqabblin ma' operaturi ta' ħwienet b'livelli baxxi ta' fatturat u operaturi oħrajn tal-katina alimentari. Fi kliem ieħor, l-istruttura ta' tariffi progressivi introdotta mill-emenda tal-2014 tagħmel distinzjoni bejn impriżi f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fir-rigward tal-objettiv tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-ikel fuq il-bażi tal-attivitajiet tagħhom u d-daqs tagħhom.

(50)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li r-rati ta' tariffi stabbiliti mill-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari u l-meded li japplikaw għalihom jirriżultaw f'żieda fit-tariffa għal impriżi soġġetti għat-tariffa skont il-fatturat tagħhom minn ċerti attivitajiet u, b'hekk, id-daqs tagħhom. Ir-rata tat-tariffa marġinali hija ta' 0,1 % għal impriżi li jiġġeneraw fatturat ogħla minn HUF 500 miljun, iżda li ma jaqbżux il-HUF 50 biljun. Dik ir-rata marġinali hija moltiplikata b'60 sabiex jinkiseb 6 % għal impriżi li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr li jiġġeneraw fatturat li jaqbeż it-HUF 300 biljun. Il-konsegwenza ta' dik iż-żieda fir-rata tat-tariffa marġinali hija li għal ħanut b'fatturat fl-ogħla medda, il-livell medju tat-tariffa huwa sostanzjalment ogħla minn dak applikabbli għal impriżi b'livelli inqas ta' fatturat (u b'hekk impriżi iżgħar).

(51)

Konsegwentement, l-istruttura ta' rati progressivi introdotta mill-emenda tal-2014 tidderoga mis-sistema ta' referenza li tikkonsisti fl-impożizzjoni ta' tariffa għall-ispezzjoni dwar l-impriżi tal-katina alimentari li joperaw fl-Ungerija favur operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr b'livell baxx ta' fatturat (u b'hekk impriżi iżgħar). Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-imżura kkontestata hija selettiva prima facie.

(c)   Ġustifikazzjoni

(52)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza mhijiex selettiva jekk tkun iġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ li fih it-trattament selettiv ikun ir-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti neċessarji għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (21). Għal dan il-għan, l-objettivi tal-politika esterna — bħall-objettivi tal-politika reġjonali, ambjentali jew industrijali — ma jistgħux jintużaw bħala raġuni mill-Istati Membri sabiex jiġġustifikaw it-trattament differenzjat tal-impriżi skont ċerta skema. Huwa f'idejn l-Istat Membru, jiġifieri l-awtoritajiet Ungeriżi, li jipprovdu ġustifikazzjoni.

(53)

L-awtoritajiet Ungeriżi argumentaw li l-iskop tad-deroga huwa li jiżguraw li r-rata tat-tariffa għall-ispezzjoni hija iktar proporzjonali għar-riżorsi tal-awtorità meħtieġa għall-ispezzjoni ta' atturi sinifikanti fis-suq (eż. ċertifikati, żmien meħtieġ għall-ispezzjoni bis-sistemi informatiċi u ta' garanzija tal-kwalità, in-numru ta' siti tal-kumpanija, l-użu ta' esperti u spejjeż tal-vetturi). Fil-fehma tal-awtoritajiet Ungeriżi, l-operaturi fil-katina alimentari b'fatturati kbar jew li jirrappreżentaw riskju ikbar permezz tan-numru ikbar ta' konsumaturi li jaraw għandhom jikkontribwixxu iktar għall-finanzjament tal-ispezzjoni tal-katina alimentari.

(54)

Il-Kummissjoni tqis li t-tariffi tal-fatturat progressivi jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk l-objettiv speċifiku fil-mira tat-tariffa jkun jeħtieġ it-tali rati progressivi, jiġifieri jekk l-ispejjeż li t-tariffa suppost tkopri jew l-esternalitajiet negattivi maħluqin minn attività li t-tariffa suppost tindirizza jiżdiedu wkoll — u jiżdiedu b'mod iktar minn proporzjonat (22) — fir-rigward tal-fatturat. Peress li t-tariffa għas-superviżjoni tal-katina tal-konsum suppost li tiffinanzja l-kontrolli marbutin mas-saħħa u s-sikurezza tal-ikel hu u jgħaddi mill-katina alimentari, il-Kummissjoni ma sabet ebda raġuni għaliex l-ispiża tat-tali kontrolli għandha tiżdied b'mod iktar milli proporzjonat mal-fatturat tal-impriżi ikbar.

(55)

Pereżempju, l-Ungerija ma pprovdietx evidenza li tispjega għaliex l-operatur ta' ħanut tal-imnut b'livelli sostanzjali ta' fatturat li jbigħ, pereżempju, pakkett zokkor, ikun jirrappreżenta 60 darba l-perikli jew jiġġustifika kontrolli li jiswew 60 darba iktar meta mqabbel ma' operatur ta' supermarket żgħir b'fatturat baxx li jbigħ l-istess pakkett zokkor. Tabilħaqq, filwaqt li l-fatturat li jirriżulta mill-bejgħ ta' dak il-pakkett zokkor huwa simili għaż-żewġ impriżi, it-tariffa dovuta għal kull forint ta' fatturat iġġenerat mill-bejgħ ta' dak il-pakkett hija 60 darba inqas għall-operatur tas-supermarket iż-żgħir.

(56)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ġustifikazzjoni dubjuża tal-Ungerija li l-operaturi fil-katina alimentari b'fatturati ikbar għandhom jikkontribwixxu iktar għall-finanzjament tal-ispezzjoni tal-katina alimentari hija invalidata mill-fatt li ħanut li jbigħ oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr li jiġġenera livell għoli ta' fatturat sejjer ikun soġġett għal rati ogħla fuq dak il-fatturat milli operaturi fil-katina alimentari li mhumiex impriżi li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr li jiġġeneraw l-istess livell ta' fatturat iżda jibqgħu soġġetti għal tariffa fissa ta' 0,1 %.

(57)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li l-miżura hija ġġustifikata mill-għamla u mill-iskema ġenerali tas-sistema ta' referenza. Għaldaqstant, il-miżura għandha titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil impriżi li joperaw ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbieħu malajr b'livell baxx ta' fatturat (u b'hekk lil impriżi iżgħar).

4.1.4.   Tfixkil tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ intra-UE

(58)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura trid twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni u jkollha effett fuq il-kummerċ intra-Unjoni sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-miżura tapplika għal impriżi li jiksbu fatturat minn ċerti attivitajiet marbutin mal-katina alimentari u li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr fis-suq Ungeriż, inklużi operaturi minn Stati Membri oħrajn. Is-suq moqdi minn impriżi li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr huwa kkaratterizzat– kemm fl-Ungerija kif ukoll fi Stati Membri oħrajn — mill-preżenza ta' operaturi minn Stati Membri oħrajn li effettivament joperaw — jew jistgħu jiżviluppaw l-operazzjonijiet tagħhom — fuq skala internazzjonali. Il-karattru progressiv tat-tariffa tal-fatturat tista' tiffavorixxi b'mod sostanzjali lil uħud minn dawk l-operaturi, għad-detriment ta' oħrajn u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom kemm fis-suq Ungeriż kif ukoll fis-suq Ewropew inġenerali. Għaldaqstant, il-miżura għandha influwenza fuq is-sitwazzjoni kompetittiva tal-impriżi soġġetti għal tariffi progressivi, twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni u għandha effett fuq il-kummerċ intra-UE.

4.1.5.   Konklużjoni

(59)

Peress li huma ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni tqis li l-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari jistabbilixxi struttura ta' rata ta' tariffi progressivi għal impriżi li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira ta' dik id-dispożizzjoni.

4.2.   Kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern

(60)

Għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk taqa' fi ħdan waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat (23) u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk tinstab mill-Kummissjoni bħala waħda li taqa' taħt xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat (24). Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li jġarrab l-oneru tal-provi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija minnu hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) jew 107(3) tat-Trattat (25).

(61)

Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ungeriżi ma pprovdew ebda argument għaliex l-emenda tal-2014 għall-Att dwar il-Katina Alimentari jkun kompatibbli mas-suq intern. L-Ungerija ma kkummentatx fuq id-dubji mqajmin fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ rigward il-kompatibbiltà tal-miżura u ma rreaġixxietx għall-kummenti espressi mill-parti terza dwar il-kompatibbiltà (26). Il-Kummissjoni tqis li ma tapplika l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmijin fid-dispożizzjonijiet ta' hawn fuq, peress li l-miżura ma tidhirx li hija mmirata sabiex jinkiseb wieħed mill-objettivi elenkati f'dawk id-dispożizzjonijiet. Konsegwentement, il-miżura ma tistax tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern.

(62)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li ma tistax tiddikjara bħala kompatibbli miżura ta' għajnuna mill-Istat li tikser regoli oħrajn tal-liġi tal-Unjoni, bħal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat jew id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni. F'dak ir-rigward, id-dubji li qajmet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ li l-miżura hija mmirata primarjament lejn impriżi bi sjieda barranija, li tista' tinvolvi ksur tal-Artikolu 49 tat-Trattat li jistabbilixxi l-libertà fundamentali ta' stabbiliment, ma tneħħewx. L-Ungerija ma kkummentatx fuq il-ksur possibbli tal-Artikolu 49 tat-Trattat jew il-kummenti tal-parti terza interessata fuq dan l-aspett.

(63)

L-Ungerija ddikjarat li r-Regolament (KE) Nru 882/2004 huwa l-bażi ġuridika għat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari kif emendata mill-emenda tal-2014. Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ungeriżi (27), il-Kummissjoni ma taqbilx li l-miżura — kif emendata fl-2014 — tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 882/2004 għall-erba' raġunijiet li ġejjin.

(64)

L-ewwel nett, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, ma ġiex stabbilit li t-tariffa għall-ispezzjoni — kif emendata fl-2014 — ġiet ikkalkolata skont il-kriterji għall-kalkolu tat-tariffi mnaqqxin fir-Regolament (KE) Nru 882/2004, u lanqas ma kienet taqbeż l-ispejjeż kumplessivi li jġarrbu l-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-kontrolli uffiċjali, kif inhu meħtieġ b'mod speċifiku mill-Artikolu 27(4) ta' dak ir-Regolament.

(65)

It-tieni, l-ispejjeż li tqiesu meta ġie stabbilit il-metodu ta' kalkolu tat-tariffa għall-ispezzjoni ma jidhrux li huma konformi ma' dawk imsemmijin fl-Artikolu 27(4)(a) meta jinqraw flimkien mal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 882/2004. B'mod partikolari, filwaqt li dan tal-aħħar jistipula li l-ispejjeż li jridu jiġu kkunsidrati għall-kalkolu tat-tariffi jistgħu jinkludu dawk ta' persunal “involut f'kontrolli uffiċjali”, l-awtoritajiet Ungeriżi għarrfu lill-Kummissjoni li t-tariffa għall-ispezzjoni li jitolbu tkopri wkoll l-ispejjeż (iktar ġenerali) li jirriżultaw mill-kategorija usa' ta' “salarji tal-persunal (28).

(66)

It-tielet, għad li l-awtoritajiet Ungeriżi huma intitolati jitolbu tariffi b'rata fissa skont l-Artikolu 27(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, naqsu milli jipprovdu ġustifikazzjoni konvinċenti għall-għamla progressiva tat-tariffa għall-ispezzjoni u għall-istrutturi tagħha (il-meded tat-tariffi u r-rati). B'mod partikolari, l-Ungerija ma pprovdiet ebda evidenza li l-istruttura ta' rati progressivi (ir-rati u l-meded tal-fatturat) applikabbli għall-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr tikkorrispondi għal mudell progressiv simili osservat fl-ispejjeż imġarrbin mill-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari għall-ispezzjonar tat-tali impriżi.

(67)

Fl-aħħar, għad li huwa allegat li r-rata progressiva hija ġġustifikata skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 mill-ħtieġa li jkun hemm tariffa proporzjonata għar-riżorsi amministrattivi ikbar li l-awtoritajiet kompetenti jridu jiksbu għall-kontrolli fuq atturi kbar fis-suq, il-Kummissjoni ma tistax tifhem kif, fid-dawl tal-kontrolli uffiċjali, il-kontroll ta' diversi ħwienet ta' bejjiegħa bl-imnut kbar jista' jkun jiswa iktar flus jew ikun iktar kumpless mill-kontroll ta' diversi ħwienet ta' operaturi fi frankiġja (li, madankollu, huma soġġetti għal tariffi għall-ispezzjoni sostanzjalment inqas peress li l-fatturat ta' kull ħanut f'livell individwali huwa ferm inqas).

(68)

Fid-dawl ta' dan li qalet hawn fuq, il-Kummissjoni ma tqisx li d-differenzi fit-trattament tat-taxxa involuti mill-miżuri huma neċessarji u proporzjonati għall-objettiv ta' ssodisfar tal-obbligi stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

4.3.   L-Att Emendar dwar it-Tariffa għall-Ispezzjoni tal-Katina Alimentari

(69)

Kif indikat fit-Taqsima 3.2, it-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari kif emendata fis-17 ta' Novembru 2015 ma għadhiex tapplika rati progressivi. L-Att CLXXXII tal-2015 li jemenda l-Att XLVI tal-2008 dwar il-katina alimentari u s-superviżjoni uffiċjali tagħha jipprovdi, minflok, rata fissa ta' 0,1 % għall-operaturi kollha tal-katina alimentari. It-tneħħija tal-istruttura progressiva tat-tariffa tindirizza t-tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat li qajmet l-istruttura progressiva fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ.

4.4.   Rkupru tal-għajnuna

(70)

L-emenda tal-2014 qatt ma ġiet notifikata u lanqas ma ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Peress li l-emenda tal-2014 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għajnuna ġdida skont it-tifsira tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (29) li ddaħħlet fis-seħħ bi ksur tal-obbligu ta' status quo stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, dik il-miżura tikkostitwixxi wkoll għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(71)

Il-konsegwenza tas-sejba li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli hija li l-għajnuna trid tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji tagħha skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(72)

Madankollu, minħabba t-twissija ta' sospensjoni maħruġa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni ta' Ftuħ tagħha, l-Ungerija kkonfermat li kienet issospendiet il-ħlas tat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari għal dawk soġġetti għall-kategorija rilevanti tat-tariffa progressiva għall-ispezzjoni.

(73)

Għaldaqstant, effettivament ma ngħatat ebda għajnuna mill-Istat b'din il-miżura. Għalhekk, ma hemmx bżonn ta' rkupru.

5.   KONKLUŻJONI

(74)

Il-Kummissjoni ssib li l-Ungerija implimentat b'mod illegali l-għajnuna inkwistjoni bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(75)

Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax l-investigazzjonijiet possibbli dwar il-konformità tal-miżura mal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat, b'mod partikolari l-libertà ta' stabbiliment kif iggarantit mill-Artikolu 49 tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istruttura ta' tariffi progressivi (rati u meded tal-fatturat) applikabbli għal operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr introdotti mit-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari Ungeriża bl-emendar tal-Att LXXIV tal-2014 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li ddaħħlet fis-seħħ b'mod illegali mill-Ungerija bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 ma tikkostitwixxi ebda għajnuna jekk, fiż-żmien li tingħata, hija tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti mir-regolament li ġie adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (30) jew (UE) 2015/1588 (31) skont liema minnhom ikun applikabbli fiż-żmien li tingħata l-għajnuna.

Artikolu 3

L-Ungerija għandha tikkanċella l-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 1 b'effett mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

L-Ungerija għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tkun implimentata fi żmien erba' xhur wara d-data ta' notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 277, 21.8.2015, p. 12.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(3)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(4)  Skont l-awtoritajiet Ungeriżi fl-ittra ta' tweġiba tas-16 ta' April 2015 lill-Kummissjoni: “Dawn li ġejjin jikkwalifikaw bħala attivitajiet soġġetti għat-tariffa għall-ispezzjoni:

id-distribuzzjoni ta' annimali miżmumin għal skopijiet ta' produzzjoni tal-ikel, tgħammir jew esperimenti;

id-distribuzzjoni ta' pjanti, it-tħawwil ta' żerriegħa, il-prodotti tal-pjanti u l-propagazzjoni u t-tħawwil ta' stokkijiet imkabbrin għal skopijiet ta' produzzjoni tal-ikel jew tal-għalf tal-annimali;

il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-ikel, inkluż il-forniment tal-ikel f'ristoranti u l-forniment tal-ikel lill-pubbliku;

il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' għalf għall-annimali;

il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' preparazzjonijiet veterinarji u prodotti veterinarji;

il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta' pestiċidi, materjali li jżidu r-rendiment jew fertilizzanti EC;

it-trattament, l-użu, l-ipproċessar ulterjuri u t-trasport ta' prodotti sekondarji mill-annimali jew it-tqegħid ta' prodotti mill-annimali fis-suq;

l-operar ta' kumpanija attiva fit-trasport tal-bhejjem, il-ħasil tal-faċilitajiet u d-diżinfettar tal-vetturi li jittrasportaw il-bhejjem, stazzjon ta' kwarantina magħżul sabiex jilqa' annimali ta' stokkijiet barranin, faċilità għat-tagħbija tal-annimali, stazzjon tal-ġbir, sit tan-negozjar, stazzjon tal-għalf u t-tisqija, stazzjon tal-mistrieħ jew suq tal-annimali;

il-produzzjoni jew il-ħżin ta' materjali riproduttivi;

l-operar ta' laboratorju għall-analiżi fitosanitarja, veterinarja jew tal-ikel jew tal-għalf tal-annimali;

id-distribuzzjoni ta' apparai użat għall-immarkar tal-annimali.”

(5)  L-Att LXXIV tal-2014 li jemenda atti tat-taxxa speċifiċi, atti oħrajn marbutin magħhom u l-Att CXXII tal-2010 dwar l-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u d-Dwana

(6)  Oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr huma ddefiniti kif ġej fl-Artikolu 2(18a) tal-Att dwar il-Kummerċ: “oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr: bl-eċċezzjoni ta' prodotti mibjugħin fil-qasam tal-forniment tal-ikel, dawk l-oġġetti tal-ikel, il-prodotti kożmetiċi, il-prodotti tal-ispiżeriji, il-prodotti u s-sustanzi kimiċi għat-tindif tad-djar, il-prodotti tal-karta iġjenika li jissodisfaw il-ħtiġijiet u r-rekwiżiti ta' kuljum tal-popolazzjoni li l-konsumatur normalment jikkonsma, juża jew jibdel fi żmien sena.” B'konformità mal-Artikolu 2(18b) tal-Att dwar il-Kummerċ, “ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr” huma “dawk il-ħwienet li għalihom l-oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr jikkostitwixxu l-maġġoranza assoluta tal-fatturat.”

(7)  Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni, referenza għall-operaturi ta' ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr tinkludi l-impriżi kollha soġġetti għat-tariffa għall-ispezzjoni tal-katina alimentari fir-rigward tal-fatturati li jinkisbu minn ħwienet li jbigħu oġġetti tal-konsum li jinbiegħu malajr.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).

(9)  Il-Kawża T-351/02 Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni Ewropea:EU:T:2006:104, il-paragrafu 102

(10)  Il-Kawża C-83/98 P Franza vs Ladbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni EU:C:2000:248,il- paragrafi 48 sa 51. Bl-istess mod, miżura li tippermetti li ċerti impriżi jiksbu tnaqqis fit-taxxa jew li jipposponu l-pagamenti tat-taxxa normalment dovuta tista' tkun għajnuna mill-Istat, ara l-Kawżi Magħquda C-8/08 sa C-0/08 Paint Graphos u Oħrajn, EU:C:2011:550, il-paragrafu 46.

(11)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline EU:C:2001:598, il-paragrafu 38.

(12)  Il-Kawżi Magħquda C-393/04 u C-41/05 Air Liquide Industries Belgium EU:C:2006:403, il-paragrafu 30 u l-Kawża C-387/92 Banco Exterior de Espana EU:C:1994:100, paragrafu 14.

(13)  Ara l-Kawża C-66/02 L-Italja vs Il-Kummissjoni EU:C:2005:768, il-paragrafu 78; il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn EU:C:2006:8, il-paragrafu 132; il-Kawża C-522/13 Ministerio de Defensa u Navantia EU:C:2014:2262, il-paragrafi 21 sa 31. Ara wkoll il-punt 9 tal-avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri relatati ma' tassazzjoni diretta tan-negozju (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(14)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs in-Netherlands (NOx) [2011] EU:C:2011:551; il-Kawża C-43/99 Adria-Wien Pipeline EU:C:2001:598; il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011:550; il-Kawża C-308/01 GIL Insurance EU:C:2004:252.

(15)  Avviż tal-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna tal-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni tan-negozju dirett (ĠU C 384, 10.12.1998, p. 3).

(16)  Ara n-nota 4 f'qiegħ il-paġna ta' hawn fuq.

(17)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732.

(18)  Ibid, il-paragrafu 92.

(19)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs Il-Kummissjoni EU:C:2008:757, paragrafi 85 u 89 u l-ġurisprudenza ċċitata, u l-Kawża C-279/08 P Il-Kummissjoni vs Ir-Renju tal-Olanda (NOx) EU:C:2011:551, il-paragrafu 51.

(20)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Il-Gvern ta' Ġibiltà u r-Renju Unit EU:C:2011:732. Permezz ta' analoġija, ara wkoll il-Kawża C-85/12 Hervis Sport- és Divatkereskedelmi Kft. EU:C:2014:47, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat: “F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 49 tat-TFUE u 54 tat-TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta' Stat Membru dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul mill-bejgħ bl-imnut fi ħwienet, li tobbliga lill-persuni taxxabbli li jikkostitwixxu, fi ħdan grupp ta' kumpanniji, “impriżi marbuta”, fis-sens ta' din il-leġiżlazzjoni, li jgħoddu flimkien id-dħul mill-bejgħ tagħhom sabiex tiġi applikata rata progressiva ħafna, u li sussegwentement jaqsmu l-ammont tat-taxxa hekk miksub bejniethom bi prorata skont id-dħul mill-bejgħ reali tagħhom, meta — u dan huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju — il-persuni taxxabbli li jiffurmaw parti minn grupp ta' kumpanniji u li jaqgħu taħt l-ogħla parti tat-taxxa speċjali huma “marbuta”, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma' kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor.”

(21)  Ara pereżempju l-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos u oħrajn EU:C:2011:550, il-paragrafu 69.

(22)  Tabilħaqq, tariffa b'rata fissa diġà timponi tariffa ogħla fuq il-ħwienet b'fatturat ogħla.

(23)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat jikkonċernaw: (a) għajnuna ta' bixra soċjali mogħtija lil konsumaturi individwali; (b) għajnuna sabiex tagħmel tajjeb għall-ħsara kkaġunata minn diżastri naturali jew avvenimenti eċċezzjonali; u (c) għajnuna mogħtija lil ċerti żoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

(24)  L-eċċezzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat jikkonċernaw: (a) għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ċerti żoni; (b) għajnuna għal ċerti proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni jew sabiex tirrimedja għal disturb serju fl-ekonomija tal-Istat Membru; (c) għajnuna sabiex jiġu żviluppati ċerti attivitajiet jew oqsma ekonomiċi; (d) għajnuna sabiex jiġu promossi l-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt storiku; u (e) għajnuna speċifikata minn deċiżjoni tal-Kunsill.

(25)  Il-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies vs Il-Kummissjoni EU:T:2007:253 paragrafu 34.

(26)  Kif indikat fil-premessa (4), dawk il-kummenti ngħaddew lill-Ungerija għal kummenti possibbli fit-13 ta' Ottubru 2015.

(27)  Informazzjoni pprovduta lid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-Ikel b'ittri datati s-26 ta' Frar [Ares(2015)835210] u d-19 ta' Mejju 2015 rispettivament [Ares (2015)2083309].

(28)  Ara l-ittra tal-awtoritajiet Ungeriżi tas-7 ta' Ottubru 2015 lis-servizzi tal-Kummissjoni.

(29)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9).

(30)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

(31)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1).


19.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 282/75


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1849

tal-4 ta' Lulju 2016

dwar il-miżura SA.41613 — 2015/C (ex SA.33584 — 2013/C (ex 2011/NN)) implimentata min-Netherlands fir-rigward tal-klabb tal-futbol professjonali PSV f'Eindhoven

(notifikata bid-dokument C(2016) 4093)

(Il-verżjoni Netherlandiża biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

F'Mejju 2011, il-Kummissjoni, minn rapporti għall-istampa u permezz ta' sottomissjonijiet miċ-ċittadini saret taf li l-muniċipalità ta' Eindhoven kienet qed tippjana biex tappoġġja l-klabb tal-futbol professjonali Philips Sport Vereniging (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ: “PSV”) permezz ta' tranżazzjoni finanzjarja. Fl-2010 u fl-2011 il-Kummissjoni rċeviet ukoll ilmenti dwar miżuri favur klabbs oħra tal-futbol professjonali fin-Netherlands, jiġifieri l-MVV f'Maastricht, il-Willem II f'Tilburg, l-FC Den Bosch ġo 's-Hertogenbosch u l-NEC f'Nijmegen. Fis-26 u t-28 ta' Lulju 2011, in-Netherlands ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-miżura dwar il-PSV.

(2)

B'ittra tas-6 ta' Marzu 2013, il-Kummissjoni infurmat lin-Netherlands li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri favur Willem II, NEC, MVV, PSV u FC Den Bosch.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura (minn hawn 'il quddiem: “Id-deċiżjoni tal-ftuħ”) ġiet ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni.

(4)

Dwar il-miżura favur il-PSV, in-Netherlands issottomettiet osservazzjonijiet b'ittra tas-6 ta' Ġunju, it-12 Novembru 2013, it-12 u l-14 ta' Jannar u t-22 ta' April 2016.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mill-partijiet interessati li ġejjin: mill-muniċipalità ta' Eindhoven (minn hawn 'il quddiem: “il-muniċipalità”) fit-23 ta' Mejju 2013, fil-11 ta' Settembru 2013 u fis-26 ta' Settembru 2013, u mill-PSV fl-24 ta' Mejju 2013. Il-Kummissjoni bagħtithom lin-Netherlands, li ngħatat l-opportunità li tirreaġixxi. In-Netherlands ipprovdiet kummenti b'ittra tat-12 ta' Novembru 2013.

(6)

Il-laqgħat man-Netherlands saru fid-9 ta' Lulju 2013, fil-25 ta' Frar 2015 u fit-13 ta' Ottubru 2015.

(7)

Fis-17 ta' Lulju 2013, il-muniċipalità appellat kontra d-deċiżjoni tal-ftuħ tas-6 ta' Marzu 2013 fil-Qorti Ġenerali (3).

(8)

Wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, u fi qbil man-Netherlands, l-investigazzjonijiet għall-klabbs differenti twettqu b'mod separat. L-investigazzjoni li tikkonċerna l-PSV ġiet irreġistrata taħt in-numru tal-każ SA.41613.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   Il-miżura

(9)

Il-federazzjoni tal-futbol nazzjonali Koninklijke Nederlandse Voetbal Bond (minn hawn 'il quddiem: il-“KNVB”) hija l-organizzazzjoni umbrella għall-kompetizzjoni tal-futbol professjonali u amatorjali. Il-futbol professjonali fin-Netherlands huwa organizzat f'sistema ta' żewġ saffi. Fl-istaġun 2014/2015, din kienet tinvolvi 38 klabb, li minnhom 18 lagħbu fl-ogħla lig (l-eredivisie) u 20 fil-lig inferjuri (l-eerste divisie).

(10)

Il-PSV twaqqaf fl-1913 u jilgħab il-partiti home tiegħu f'Eindhoven. Fl-1999, l-attivitajiet kummerċjali tal-PSV inġabru f'kumpanija b'responsabbiltà limitata [naamloze vennootschap]. L-ishma kollha minbarra wieħed huma proprjetà tal-Fondazzjoni PSV Football. Is-sehem l-ieħor huwa proprjetà tal-Eindhoven Football Club PSV. Il-PSV jilgħab fl-ogħla lig u ilu jikkompeti b'mod konsistenti għall-aqwa pożizzjonijiet fil-lig. Dan spiċċa l-ewwel fl-ogħla lig fl-2014/2015 u fl-2015/2016. Il-PSV jipparteċipa f'kampjonati Ewropej regolarment, u rebaħ kemm it-tazza Ewropea (1987/1988) u kif ukoll it-tazza UEFA (1977/1978).

(11)

Il-PSV għandu l-istejdjum tiegħu, l-istejdjum Philips (minn hawn 'il quddiem: “l-istejdjum”). Sal-2011, kien ukoll is-sid tal-art ta' taħt l-istejdjum u l-blokk tat-taħriġ De Herdgang. Fl-2011, il-PSV kien qed jiffaċċja problemi ta' likwidità serji, li minħabba fihom avviċina l-muniċipalità, lil Philips u lil diversi kumpaniji oħra f'Eindhoven, kif ukoll lil ċerti banek. Xi wħud minn dawn il-kumpaniji fil-fatt qablu li jagħtuh self ġdid jew li jemendaw dak eżistenti sabiex jgħinu lill-PSV jgħaddi mill-perjodu diffiċli.

(12)

F'dak iż-żmien, il-muniċipalità u l-PSV innegozjaw tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura. Huma qablu li l-muniċipalità tixtri l-art ta' taħt l-istejdjum u l-blokk tat-taħriġ għal EUR 48 385 000. L-art tal-istejdjum ġiet ivvalutata għal EUR 41 160 000. Sabiex tiffinanzja dan ix-xiri, il-muniċipalità kkuntrattat self fuq terminu twil ta' ammont simili b'rata tal-imgħax fissa minn bank. L-art ta' taħt l-istejdjum imbagħad saret disponibbli għall-PSV permezz ta' lokazzjoni fit-tul (erfpacht) ta' 40 sena, li tista' tiġi estiża jekk il-PSV jitlob dan. Il-ħlas tal-lokazzjoni annwali huwa ta' EUR 2 463 030. Dan il-ħlas tal-lokazzjoni annwali jinkludi l-ħlas tal-lokazzjoni għall-art tal-istejdjum (EUR 1 863 743), l-art taħt il-kumpless tat-taħriġ (EUR 327 151) u żona ta' parkeġġ (EUR 272 135). Il-kuntratt kien fih klawżola li tgħid li l-ħlas tal-lokazzjoni se jiġi rivedut wara 20 sena.

(13)

In-Netherlands ma nnotifikatx lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, bl-intenzjoni tagħha li tidħol f'din il-kostruzzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura.

2.2.   Raġunijiet biex jingħata bidu għall-proċedura

(14)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ħadet il-pożizzjoni li l-miżuri ta' għajnuna għall-klabbs tal-futbol professjonali aktarx li jfixklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ddubitat ukoll l-adegwatezza tad-determinazzjoni tal-prezz tal-bejgħ għall-art taħt l-istejdjum u l-ħlas tal-lokazzjoni tal-art. Hija waslet għall-konklużjoni preliminari li l-muniċipalità kienet ipprovdiet vantaġġ selettiv lill-PSV bl-użu ta' riżorsi tal-Istat u għalhekk kienet ipprovdiet l-għajnuna lill-klabb tal-futbol.

(15)

B'mod partikolari, fir-rigward tad-dipendenza tan-Netherlands fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward elementi ta' għajnuna fil-bejgħ ta' artijiet mill-awtoritajiet pubbliċi (4) (minn hawn 'il quddiem: “il-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet”), il-Kummissjoni tenniet li l-gwida pprovduta minn dik il-Komunikazzjoni, kif iddikjarat fil-introduzzjoni tagħha, “tikkonċerna l-bejgħ ta' artijiet u bini pubbliku biss. Din ma tikkonċernax l-akkwist pubbliku ta' artijiet u bini jew il-kiri jew il-lokazzjoni ta' artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi. Tranżazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu elementi ta' għajnuna mill-Istat.”

(16)

Fir-rigward tal-għarfien espert estern li ddependiet fuqha l-muniċipalità, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar il-validità tal-użu tal-prezz tal-art mill-esperti tal-valutazzjoni għal użu mħallat minflok tal-prezz tal-art għal stejdjum għall-kalkoli tagħhom. Il-Kummissjoni qajmet dubji wkoll dwar jekk il-marġni tal-profitt u tar-riskju użati għall-kalkolu tal-valur tal-art għall-iżvilupp futur wara li tkun intemmet il-lokazzjoni fit-tul kinux realistiċi.

(17)

Il-Kummissjoni f'dak l-istadju ma kinitx konvinta li l-muniċipalità kellha xi intenzjoni li tiżgura li t-tranżazzjoni kienet konformi mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq (minn hawn 'il quddiem: l-“MEIP”). Pjuttost, hija kienet ippruvat tevita li tagħmel telf; fi kliem ieħor, ġew introdotti salvagwardji li jagħmlu t-tranżazzjonijiet newtrali għall-baġit tagħha. Dan ma kienx ikun aċċettabbli għal investitur tipiku f'ekonomija tas-suq, anke jekk kellha tibbaża ruħha fuq għarfien espert minn barra għall-valutazzjoni tar-raġunijiet u d-determinazzjoni tal-ħlas tal-lokazzjoni.

3.   KUMMENTI MIN-NETHERLANDS

(18)

In-Netherlands tqis li t-tranżazzjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat għar-raġunijiet li ġejjin: (a) il-valur tal-art u l-ħlas tal-lokazzjoni annwali ġew stabbiliti minn esperti esterni f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi l-qafas relevanti għall-ivvalutar tal-kwalità tal-għajnuna mill-Istat tat-tranżazzjoni; (b) il-PSV se jħallas kera lill-muniċipalità taħt il-lokazzjoni fit-tul, li hija ogħla mill-ammont ta' pagamenti parzjali li l-muniċipalità tħallas lill-bank, li jiżgura li l-operazzjoni ma tkunx biss finanzjarjament newtrali għall-muniċipalità; (c) il-PSV se jipprovdi garanzija għal dawk il-pagamenti koperti mill-bejgħ ta' biljetti staġjonali; (d) jekk il-PSV jfalli, l-art u l-istejdjum se jaqgħu taħt il-muniċipalità; (e) l-ammont tal-ħlas tal-lokazzjoni se jiġi rieżaminat wara 20 sena fuq il-bażi ta' rapport ġdid ta' valutazzjoni.

(19)

Fil-fehma tan-Netherlands, bl-akkwist tal-art tas-sit tal-istejdjum il-muniċipalità aġixxiet taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, f'konformità mal-prinċipju tal-investitur f'ekonomija tas-suq u l-prinċipju tal-kreditur f'ekonomija tas-suq. Hija talbet valutazzjoni indipendenti tal-art biex jiġi ddeterminat il-prezz tat-tranżazzjoni abbażi tal-valur tas-suq tal-art.

(20)

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-art bħala art għal użu mħallat, in-Netherlands tinnota li kwalunkwe evalwazzjoni fil-kuntest tal-paragun bejn il-kondotta tal-investituri pubbliċi u privati trid issir b'referenza għall-attitudni li kien ikollu investitur privat fil-ħin tat-tranżazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli u tal-iżviluppi prevedibbli f'dak il-mument. Għalhekk l-espert ingħata l-mandat biex jiddetermina l-valur li l-proprjetà għandha fl-istat attwali tagħha, fil-każ ta' bejgħ lil dik li suppost kienet l-aħjar offerta, wara offerta ppreparata tajjeb ġejja mis-suq, filwaqt li jitqies il-potenzjal tal-iżvilupp tal-art.

(21)

Għaldaqstant, in-Netherlands tirreferi għar-rapport ta' valutazzjoni indipendenti li jinnota li l-evalwazzjoni għandha tqis żviluppi possibbli realistiċi u prevedibbli fil-futur li jaffettwaw l-art. Ir-rapport jikkunsidra l-iżvilupp possibbli tas-sit tal-istejdjum u josserva li, fil-każ li l-istejdjum jisparixxi, l-użu l-aktar probabbli jkun dak ta' żona ta' użu mħallat b'bini ta' uffiċċji u appartamenti. Ikun xieraq li l-valutazzjoni tiġi bbażata fuq dan il-prospett, anki jekk dan l-iżvilupp idum ma jseħħ għexieren ta' snin. In-Netherlands u r-rapport ta' valutazzjoni jissottolinjaw li din is-suppożizzjoni hija realistika, b'mod partikolari peress li l-art tinsab fiċ-ċentru tal-belt. Għall-irqajja' ta' art li jinsabu fiċ-ċentru, il-potenzjal għal żvilupp ta' valur progressiv huwa ferm ogħla milli għal dawk li jinsabu fil-periferija. F'dan il-każ, il-muniċipalità hija barra minn hekk fil-pożizzjoni komda li tiddeċiedi hija stess dwar l-ippjanar urban u b'hekk anke dwar l-użu potenzjali fil-futur tal-istejdjum.

(22)

Skont in-Netherlands, l-użu preżunt tal-art prospettiv/ta' uffiċċji/appartamenti mħallat possibbli jimxi fuq il-loġika tal-iżvilupp urban fil-passat riċenti taż-żona li fiha jinsab l-istejdjum u bil-prospetti ulterjuri tiegħu. L-inħawi tal-madwar diretti tal-art evolvew minn żona fil-biċċa l-kbira industrijali għal żona residenzjali u tal-uffiċċji mħallta fiċ-ċentru tal-belt. Il-muniċipalità għandha interess proprju fiż-żona tal-istejdjum peress li l-akkwist ta' art strateġika huwa parti mill-istrateġija tal-żvilupp urban tagħha kif stipulat fl-“Interimstructuurvisie 2009” tagħha. Dan id-dokument jistabbilixxi l-pjan għal żvilupp mill-ġdid ta' żoni industrijali abbandunati f'żoni urbani ċentrali b'taħlita ta' residenzi, attivitajiet kreattivi, ħwienet u uffiċċji. Parti ddikjarata ta' din l-istrateġija hija l-iżgurar kmieni ta' art strateġika bħala parti minn strateġija ta' investiment fit-tul għat-twettiq tal-pjanijiet. Skont din il-loġika, u peress li ma tistax twettaq l-pjanijiet uniċi kollha taż-żona fl-istess ħin, il-muniċipalità trid ukoll tikkombina l-akkwist tal-art (biex tiżguraha) b'lokazzjonijiet fit-tul. Il-ftehim tal-istejdjum jimxi fuq dik il-loġika tal-ippjanar. Il-muniċipalità, wara li ħadet is-sjieda, sabet li din offritilha opportunità tajba li kienet isservi l-interessi tagħha. Fl-istess ħin dan ikun jiżgura influss affidabbli ta' dħul mal-akkwist ta' artijiet għad-durata tal-lokazzjoni fit-tul.

(23)

Għalhekk ir-rapport ta' valutazzjoni, b'referenza għal standard ġeneralment aċċettat, iqis li l-valur tal-art għandu jkun stmat fuq il-bażi tal-ogħla u l-aħjar użu taż-żona, li l-prezz għandu jkun ibbażat fuq l-art għall-użu mħallat. Ir-rapport ta' valutazzjoni jinkludi wkoll l-ispejjeż mistennija tat-twaqqigħ tal-bini eżistenti u l-iżvilupp taż-żona u l-prezz mistenni tal-bini ta' appartamenti u uffiċċji. Il-valutazzjoni tqabbel il-valur possibbli ta' uffiċċji u appartamenti b'referenza għall-iżviluppi riċenti fil-viċinat. Bħala riżerva tar-riskju addizzjonali, l-istimatur jassumi indiċi tal-spazju tal-art ta' 80 % biss meta mqabbla ma' proġetti simili.

(24)

Għad-determinazzjoni tal-ammont annwali tal-ħlas tal-lokazzjoni, ir-rapport ta' valutazzjoni tal-art jieħu bħala bażi l-valur preżunt tal-art ta' taħt l-istejdjum u l-kumpless tat-taħriġ (ivvalutati flimkien għal EUR 48 385 000) flimkien ma' parkeġġ li kien diġà proprjetà tal-muniċipalità (b'valur ta' EUR 6 010 000). Huwa juża bħala referenza l-imgħax tal-bonds fuq terminu twil tal-gvern Netherlandiż fl-2011 ta' 3,54 %. Ma' dan iżid primjum ta' 1,5 % sabiex ikopri r-riskju ta' tnaqqis tal-valur tal-art u/jew inadempjenza. Il-ħlas tal-lokazzjoni għalhekk jiġi ddeterminat biex jiġi pprovdut redditu ta' 5,04 % lill-muniċipalità.

(25)

Il-valutazzjoni mill-espert estern tassumi żieda fil-valur tal-art matul 40 sena f'konformità mal-inflazzjoni medja annwali mistennija ta' 1,7 %. Abbażi ta' dan, il-valutazzjoni tqis xieraq li l-PSV iħallas lokazzjoni annwali ta' EUR 2 463 030. In-Netherlands issostni li dan l-ammont huwa konformi mal-kera mħallsa xi mkien ieħor fil-pajjiż minn klabbs tal-futbol professjonali għall-kiri tal-istejdjum u li għalhekk kienet konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward taż-żieda tal-valur tal-art preżunt ta' 1,7 %, l-istudju jippermetti li wara 20 sena jitnaqqas il-valur akkumulat tal-art ta' 22,5 % bħala marġni ta' sigurtà u jiddetermina l-istima tal-ħlas tal-lokazzjoni annwali mis-sena 21 fuq dik il-bażi aktar baxxa. Minħabba l-marġni ta' sigurtà ta' 22,5 %, ir-rata ta' apprezzament attwali użata fil-valwazzjoni tammonta għal 1,01 % għall-40 sena kollha kemm huma (0,4 % għall-ewwel 20 sena).

(26)

Ir-rapport jirrikonoxxi li lokazzjoni fuq terminu twil ta' aktar minn 15-il sena tista' tinkludi ċerti riskji. Mill-perspettiva ta' investitur tas-suq, il-perjodu twil li matulu huwa ma jkunx għadu jista' jirrealizza l-valur ta' proprjetà li tkun tinsab f'żona ta' użu mħallat huwa, madankollu, kkumpensat bir-rata tal-ħlas tal-lokazzjoni li hija diġà bbażata fuq il-valur preżunt ta' roqgħa għal użu mħallat. Se ssir reviżjoni sħiħa wara 20 sena, fuq il-bażi ta' rapport ġdid ta' valutazzjoni. Din ir-reviżjoni se tkopri l-valur tal-art u r-redditu xieraq fuq dak il-valur. Din il-lokazzjoni tipprovdi introjtu matul it-terminu tal-lokazzjoni, bil-possibbiltà sussegwenti tar-realizzazzjoni tal-potenzjal tal-art.

(27)

Ir-riskji għall-muniċipalità jkunu limitati wkoll b'aktar fatturi. Fir-rigward tar-riskju taż-żonar, is-suppożizzjoni tar-rapport ta' valutazzjoni dwar iż-żonar hija bbażata fuq il-fatt li ż-żoni madwar l-istejdjum diġà sarilhom riżonar minn użu industrijali għal użu mħallat. F'każ minnhom, ir-riżonar inkiseb mill-investitur fi żmien tmien ġimgħat. Għalhekk l-esperti tal-valutazzjoni ħadu din is-suppożizzjoni bħala waħda realistika. Din ma kinitx inkluża fis-setgħa tal-muniċipalità li tinfluwenza l-proċess tal-ippjanar, iżda ħarset lejn l-iżvilupp fiż-żoni tal-madwar u l-prattika amministrattiva tal-għoti tal-permessi u l-klassifikazzjonijiet mill-ġdid lill-iżviluppaturi privati. Il-liġijiet tal-ippjanar jippermettu deżinjazzjoni mill-ġdid flessibbli. Sabiex jitnaqqsu aktar ir-riskji fil-kalkolu, ir-rapport ta' valutazzjoni assuma densità tal-kostruzzjoni aktar baxxa milli f'irqajja' ġirien.

(28)

Anki jekk iż-żonar għall-istejdjum jinżamm fl-istat attwali tiegħu, dan ma jikkostitwixxix riskju għoli. Iż-żonar attwali huwa għall-istejdjum u l-użu kummerċjali. Dan iż-żonar, jekk jinżamm, jista' jwassal għal valur tal-art moderatament aktar baxx biss. Skont in-Netherlands, dan jippermetti kwalunkwe użu kummerċjali fuq il-post u l-iżvilupp ta' attivitajiet kummerċjali profittabbli. L-istimatur indipendenti sab li użu mħallat kien il-bażi xierqa għall-valutazzjoni. Dan ma kienx issuġġerit mill-muniċipalità.

(29)

Il-kuntratt tal-lokazzjoni fit-tul jistipula li, jekk il-PSV jonqos milli jħallas il-lokazzjoni jew ifalli, l-art u l-istejdjum se jkunu għad-dispożizzjoni sħiħa tal-muniċipalità, li tista' tiżviluppa l-potenzjal tal-art. Il-bini fuq l-art se jsir proprjetà tal-muniċipalità. Kif indikat hawn fuq, il-prezz tat-tranżazzjoni ta' EUR 48 385 000 diġà jqis l-ispejjeż mistennija tat-twaqqigħ u l-iżvilupp u l-ammont tal-ħlas tal-lokazzjoni se jiġi rivedut bis-sħiħ wara 20 sena. Barra minn hekk, il-PSV wiegħed id-dħul mill-biljetti staġjonali tiegħu sabiex jiżgura l-ħlas tal-lokazzjoni u għamel depożitu ekwivalenti għal sentejn kera tal-art (għal perjodu inizjali ta' għaxar snin).

(30)

Fit-tmiem tal-kuntratt tal-lokazzjoni l-muniċipalità mhux biss se tkun ġabret l-interess iżda xorta se tkun is-sid tal-art ta' taħt l-istejdjum b'valur allegatament ogħla mil-lum u jkollha diversi possibbilitajiet għall-użu tagħha. Il-bini fuq l-art se jkun ukoll għad-dispożizzjoni tal-muniċipalità, mingħajr ebda kumpens għall-PSV.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(31)

Il-muniċipalità u l-PSV issottomettew osservazzjonijiet skont il-proċedura li kienu identiċi għall-osservazzjonijiet sottomessi min-Netherlands. Barra minn hekk, il-muniċipalità ddeskriviet il-proċedura li twassal għad-deċiżjoni li tinxtara l-art tal-istejdjum u r-raġunijiet li ggwidawha. Skont il-muniċipalità, f'Jannar 2011 bdew id-deliberazzjonijiet biex isir ftehim ta' tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura mal-PSV. L-objettiv sottostanti kien li tgħin lill-PSV bi tranżazzjoni b'newtralitàbaġitarja li ma tagħtix vantaġġ finanzjarju lill-klabb li kieku ma setax jikseb taħt il-kundizzjonijiet tas-suq.

(32)

Għal dak il-għan u fid-dawl ta' dan l-objettiv, il-muniċipalità talbet lid-ditta indipendenti tal-valutazzjoni tal-art Troostwijk Taxaties B.V. (minn hawn 'il quddiem: “Troostwijk”) biex tiddetermina l-prezz tas-suq tal-art ikkonċernata u ammont raġonevoli għal-lokazzjoni annwali. F'Marzu 2011, Troostwijk ipprovdiet valutazzjoni tal-art tal-istejdjum u rqajja' oħra li l-PSV ried ibigħ lill-muniċipalità. Hija ddeterminat bħala l-prezz tas-suq għall-art ta' taħt l-stejdjum fl-istat tagħha ta' dak iż-żmien u b'kunsiderazzjoni tal-prospetti ta' żvilupp tagħha bi prezz ta' EUR 41 160 000. Il-metodoloġija tad-determinazzjoni tal-valur tal-art u l-ħlas tal-lokazzjoni kienet approvata minn ditta tal-kontabilità esterna li taħdem għall-muniċipalità. Il-ħlas tal-lokazzjoni kien ikun ogħla mill-interess li l-muniċipalità jkollha tħallas għas-self li ħadet biex tiffinanzja l-akkwist ta' artijiet.

(33)

Wara l-wasla ta' talba għall-informazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-tranżazzjoni ppjanata f'Mejju 2011, il-muniċipalità tqiegħed enfasi partikolari fuq l-iżgurar li l-miżura ssegwi t-termini tas-suq u mhux se taffettwa l-baġit tagħha. Il-muniċipalità enfasizzat li l-akkwist tal-artijiet huwa interessanti għaliha wkoll peress li jidħol fl-istrateġija tagħha ta' akkwist u żvilupp tal-art. Il-muniċipalità jkollha interess proprju li tixtri din l-art li tista' tikkostitwixxi għaliha valur ogħla milli għal investitur possibbli ieħor.

5.   VALUTAZZJONI TAL-MIŻURA — IL-PREŻENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT SKONT L-ARTIKOLU 107(1) TAT-TRATTAT

(34)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għajnuna mill-Istat hija għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi u b'hekk, biex miżura tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet kollha jridu jiġu ssodisfati.

5.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabbiltà lill-Istat

(35)

Il-miżura biex tinxtara l-art ta' taħt l-istejdjum u l-kumpless tat-taħriġ De Herdgang għal EUR 48 385 000 u sussegwentement biex tinkera lura lill-PSV ġiet deċiża mill-muniċipalità. Din il-miżura tinvolvi l-baġit tal-muniċipalità u b'hekk l-użu ta' riżorsi tal-Istat. Għalhekk hija imputabbli lill-Istat.

5.2.   Effett possibbli tal-għajnuna fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni

(36)

In-Netherlands staqsiet dwar l-impatt ta' għajnuna possibbli fuq is-suq intern għall-klabbs li ma jkunux jilagħbu futbol fil-livell Ewropew. Madankollu, klabbs tal-futbol professjonali huma kkunsidrati bħala impriżi u huma suġġetti għal kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Il-futbol jieħu l-forma ta' impjieg bi qligħ u jipprovdi servizzi bi ħlas; huwa żviluppa livell għoli ta' professjonaliżmu u b'hekk żied l-impatt ekonomiku tiegħu (5).

(37)

Il-klabbs tal-futbol professjonali jeżerċitaw attivitajiet ekonomiċi f'diversi swieq, minbarra li jipparteċipaw f'kompetizzjonijiet tal-futbol, li għandhom dimensjoni internazzjonali, bħas-suq tat-trasferiment għall-plejers professjonali, il-pubbliċità, l-isponsorizzazzjoni, il-merchandising jew il-kopertura mill-midja. L-għajnuna lil klabb tal-futbol professjonali sssaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu f'kull wieħed minn dawk is-swieq, li l-biċċa l-kbira tagħhom ikopru diversi Stati Membri. Għaldaqstat, jekk ir-riżorsi tal-Istat jintużaw biex jipprovdu vantaġġ selettiv lil klabb tal-futbol professjonali, irrispettivament mil-lig li jilgħab fih, tali għajnuna aktarx ikollha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (6).

5.3.   Vantaġġ selettiv

(38)

Sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, miżura għandha bżonn li tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriża benefiċjarja li din ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq. L-akkwist ta' art mill-PSV u l-lokazzjoni sussegwenti għaliha jikkostitwixxi tali vantaġġ jekk it-termini kienu aktar vantaġġjużi għall-PSV minn dawk iġġustifikati mill-kundizzjonijiet tas-suq.

(39)

L-interessi tipiċi għall-investitur/sid f'operazzjoni kummerċjali ta' bejgħ u lokazzjoni lura huma redditu ġust fuq l-investiment fil-forma ta' kera matul it-terminu tal-lokazzjoni u s-sjieda ta' ass diġà okkupati minn kerrej affidabbli. L-investitur/sid se jorganizza ass mikri b'mod sħiħ fuq terminu twil bi fluss ta' introjtu stabbli.

5.3.1.   Applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet

(40)

In-Netherlands tirreferi għal din il-valutazzjoni għall-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet. Skont dik il-Komunikazzjoni, il-bejgħ tal-art u l-bini minn awtorità pubblika ma jikkostitwixxix għajnuna, l-ewwel, meta l-awtorità pubblika taċċetta l-ogħla jew l-unika offerta wara proċedura ta' irkant mhux kundizzjonat u, t-tieni, fejn fin-nuqqas ta' tali proċedura ta' offerti l-prezz tal-bejgħ ikun stabbilit mill-anqas fil-valur stabbilit minn valutazzjoni esperta indipendenti.

(41)

Il-Kummissjoni ttenni li l-gwida pprovduta bil-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet, kif iddikjarat fl-introduzzjoni tagħha, “tikkonċerna l-bejgħ ta' artijiet u bini pubbliku biss. Din ma tikkonċernax l-akkwist pubbliku ta' artijiet u bini jew il-kiri jew il-lokazzjoni ta' artijiet u bini minn awtoritajiet pubbliċi. Tranżazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu elementi ta' għajnuna mill-Istat.” Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni, id-determinazzjoni tal-valur tal-art fiha nnifisha hija insuffiċjenti. L-operazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura fiha wkoll ħlas ta' lokazzjoni. Il-konformità mas-suq ta' dan il-ħlas teħtieġ li tiġi stabbilita wkoll.

(42)

Fi kwalunkwe każ, il-mekkaniżmi fil-Komunikazzjoni tal-bejgħ ta' artijiet huma biss għodod biex jiġi stabbilit jekk l-Istat aġixxiex bħala investitur f'ekonomija tas-suq u għalhekk huma eżempji speċifiċi għall-applikazzjoni tat-test tal-MEIP għal tranżazzjonijiet tal-art bejn entitajiet pubbliċi u privati (7).

5.3.2.   Osservanza tal-prinċipju ta' investitur f'ekonomija tas-suq

(43)

Għalhekk, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk investitur privat kienx jikkonkludi t-tranżazzjonijiet taħt valutazzjoni fuq l-istess termini. L-attitudni tal-investitur privat ipotetiku hija dik ta' investitur prudenti li l-għan ta' redditu mistenni normali tiegħu jkun imtaffi b'kawtela dwar il-livell ta' riskju aċċettabbli għal rata partikolari ta' redditu. L-MEIP ma jkunx rispettat jekk il-prezz għall-art jiġi stabbilit f'livell ogħla mill-prezz tas-suq u l-ħlas għal-lokazzjoni stabbilit f'livell aktar baxx.

(44)

In-Netherlands u l-muniċipalità jistqarru li l-muniċipalità aġixxiet fuq il-bażi ta' valutazzjoni esperta indipendenti (ex-ante) u għalhekk f'konformità mal-MEIP. It-tranżazzjoni saret fuq il-bażi tal-valur tas-suq tal-art u, għalhekk, ma pprovdietx vantaġġ lill-PSV.

(45)

Il-Kummissjoni tqis li l-konformità mal-kundizzjonijiet tas-suq tista', bħala prinċipju, tiġi stabbilita permezz ta' valutazzjoni esperta indipendenti.

(46)

Fir-rigward tal-konformità mas-suq tar-riżultati tal-valutazzjoni esperta esterna li tiddependi fuqha l-muniċipalità, fid-deċiżjoni tal-ftuħ in-Netherlands intalbet li tiġġustifika għaliex għall-kalkoli tagħhom l-esperti użaw il-prezz tal-art għal użu mħallat minflok il-prezz tal-art għal stejdjum. Il-Kummissjoni xtaqet tara wkoll ġustifikazzjoni għall-marġni tal-profitt u tar-riskju użati għall-kalkolu tal-valur tal-art għall-iżvilupp futur wara li tintemm il-lokazzjoni fuq terminu twil.

(47)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta min-Netherlands u l-muniċipalità, il-Kummissjoni tosserva li l-akkwist ta' artijiet mill-muniċipalità kien preċedut minn valutazzjoni tal-art imwettqa minn Troostwijk, ditta indipendenti ta' valutazzjoni tal-art. Meta f'Jannar 2011 bdew id-deliberazzjonijiet dwar il-ftehim ta' bejgħ u lokazzjoni lura mal-PSV, l-objettiv sottostanti kien li l-PSV jiġi mgħejjun bi tranżazzjoni li ma kinitx tagħti vantaġġ finanzjarju lill-klabb li seta' ma kisibx taħt kundizzjonijiet tas-suq. Għalhekk il-muniċipalità staqsiet lil Troostwijk biex tiddetermina l-prezz tas-suq għall-art ikkonċernata u ammont ta' ilment tas-suq għall-ħlas tal-lokazzjoni annwali.

(48)

Is-suppożizzjonijiet sottostanti tal-valutazzjoni jidhru li kienu raġonevoli. Fir-rapport ta' valutazzjoni tagħha ta' Marzu 2011, Troostwijk ivvalutat il-prezz tas-suq għall-art ta' taħt l-istejdjum fuq il-bażi tal-istat tagħha ta' dak iż-żmien u b'kunsiderazzjoni tal-prospetti ta' żvilupp tagħha u ddeterminat prezz ta' EUR 41 160 000. Il-metodoloġija tad-determinazzjoni tal-valur tal-art u l-ħlas tal-lokazzjoni kienet approvata mid-ditta tal-kontabilità esterna li taħdem għall-muniċipalità.

(49)

Ir-rapport ta' valutazzjoni minn Troostwijk iqis żviluppi realistiċi u prevedibbli possibbli fil-futur li jaffettwaw l-art. Ir-rapport jikkunsidra l-iżvilupp possibbli tas-sit tal-istejdjum u josserva li, fil-każ li l-istejdjum jisparixxi, l-użu l-aktar probabbli jkun dak ta' żona ta' użu mħallat b'bini ta' uffiċċji u appartamenti. Ir-rapport ta' valutazzjoni jenfasizza li din is-suppożizzjoni hija realistika, b'mod partikolari peress li l-art tinsab fiċ-ċentru tal-belt. Għal irqajja' li jinsabu fiċ-ċentru l-potenzjal għal żvilupp progressiv ta' valur huwa ferm ogħla milli għal art li tinsab fil-periferija. Ir-rapport ta' valutazzjoni jirreferi wkoll għal standard ta' valutazzjoni ġenerali fejn il-bażi għad-determinazzjoni tal-valur tal-art hija l-ogħla u l-aħjar użu taż-żona.

(50)

L-użu tal-futur kif deskritt min-Netherlands jidħol ukoll fi ħdan l-istrateġija ta' żvilupp urban fit-tul tal-muniċipalità għaż-żona kollha fejn ikun jinsab l-istejdjum, kif deskritt fil-premessa 22. Kif deskritt mill-muniċipalità, il-probabbiltà li jinkiseb ir-riżonar tal-art ikun għoli ħafna għal kull sid tal-art inkwistjoni.

(51)

Fi kwalunkwe każ, skont in-Netherlands iż-żonar preżenti tal-art għall-istejdjum u l-użu kummerċjali wkoll għandu potenzjal ekonomiku sostanzjali.

(52)

Għalhekk jista' jiġi konkluż li jidher aċċettabbli li l-valutazzjoni tal-espert tagħti l-valur lill-art fuq il-bażi ta' użu mħallat. Il-Kummissjoni diġà aċċettat li muniċipalità tista' tibbaża l-valutazzjoni tal-art fuq il-prospett fuq terminu twil tal-iżvilupp tal-valur ta' roqgħa f'żona li tista' tkun soġġetta għal titjib mistenni f'konformità ma' strateġija tal-ippjanar tan-negozju (8).

(53)

Il-PSV se jħallas lill-muniċipalità kera ta' lokazzjoni fuq terminu twil determinata mid-ditta ta' valutazzjoni indipendenti u kkalkolata fuq il-bażi tal-prezz preżunt għall-art fid-dawl tal-użu possibbli tagħha aktar tard għal appartamenti u uffiċċji u b'referenza għar-rata ta' imgħax għal bonds fuq terminu twil tal-gvern fl-2011 flimkien ma' primjum ta' riskju ta' 1,5 %.

(54)

Għalhekk, il-ħlas tal-lokazzjoni diġà jirrifletti l-prezz stmat għall-art għal skop ieħor minbarra l-użu għall-isport. Huwa għalhekk ogħla minn ħlas tal-lokazzjoni kkalkulat fuq il-bażi tal-użu attwali tal-art.

(55)

Ir-rapport jirrikonoxxi li lokazzjoni fuq terminu twil ta' aktar minn 15-il sena tista' tinkludi ċerti riskji f'termini tal-fluttwazzjoni tal-valur tal-art. Dawk ir-riskji huma, madankollu, limitati minn diversi fatturi, li se jiġu diskussi aktar fid-dettall fil-premessi 56 sa 59.

(56)

Is-suppożizzjonijiet tar-rapport ta' valutazzjoni jistgħu jitqiesu konservattivi. Ir-rapport ta' valutazzjoni jiddetermina l-valur possibbli mistenni tal-uffiċċji u l-appartamenti b'referenza għall-iżviluppi u d-dħul riċenti fil-viċinat u bħala riżerva tar-riskju addizzjonali fuq il-prezz tal-bejgħ possibbli tal-appartamenti ta' indiċi ta' spazju tal-art ta' 80 % biss meta mqabbel ma' proġetti simili.

(57)

Fir-rigward taż-żieda preżunta tal-valur tal-art ta' 1,7 %, meħuda bħala r-rata ta' inflazzjoni preżunta, il-valutazzjoni tinkludi mekkaniżmu ta' korrezzjoni: wara 20 sena tnaqqis mill-valur akkumulat tal-art ta' 22,5 % jiġi inkluż bħala marġni ta' sigurtà. Meta ż-żewġ suppożizzjonijiet jiġu kkombinati flimkien, iż-żieda mistennija hija stmata li tkun 1,01 % fis-sena matul il-perjodu tal-lokazzjoni ta' 40 sena u 0,4 % fis-sena għall-ewwel 20 sena. Għalhekk, is-suppożizzjoni inizjali ta' 1,7 % flimkien mal-marġni ta' sigurtà tidher raġonevoli meta wieħed iqis li l-assi kkonċernat huwa art li tista' tkun mistennija li żżomm il-valur jew tiżdied fil-valur tagħha u li tinsab fiċ-ċentru tal-belt (għalkemm l-art bħalissa hija kklassifikata għal użu kummerċjali, ir-rata tal-ħlas tal-lokazzjoni hija diġà bbażata fuq il-valur preżunt ta' roqgħa għal użu mħallat). Barra minn hekk, ir-rata ta' inflazzjoni tal-2011 għan-Netherlands kienet ta' 2,3 % (9), filwaqt li l-BĊE għandu mira ta' inflazzjoni ta' 2 %. Dawn iż-żewġ valuri huma sinifikament ogħla mir-rati ta' tkabbir mistennija għall-valur tal-art li uża l-istimatur.

(58)

Barra minn dawn il-garanziji rigward il-ħlas tal-lokazzjoni, il-kuntratt tal-lokazzjoni nnegozjat mill-muniċipalità fih dispożizzjonijiet varji oħra biex ikopru riskji possibbli, b'mod partikolari r-riskju ta' inadempjenza mill-PSV. Il-klabb tal-futbol se jipprovdi garanzija għall-pagamenti tal-kera bl-introjtu tiegħu mill-bejgħ ta' biljetti staġjonali. Il-PSV ipprovda wkoll garanzija ta' EUR 5 miljun li tikkorrispondi għal kera ta' madwar sentejn, li hija meħuda mill-prezz tax-xiri u miżmuma min-nutar involut għal għaxar snin.

(59)

Il-partijiet qablu li l-ammont tal-ħlas tal-lokazzjoni jista' jiġi rivedut b'mod sħiħ wara 20 sena fuq talba ta' waħda mill-partijiet. Din ir-reviżjoni se tkun ibbażata fuq rapport ġdid ta' valutazzjoni. Il-valur tal-art f'dak iż-żmien, flimkien ma' redditu xieraq fuq it-titoli tal-gvern u primjum ta' riskju se jiddetermina l-ħlas tal-lokazzjoni ġdida għall-art. Bħala salvagwardja addizzjonali għall-muniċipalità, il-partijiet qablu li d-drittijiet ta' użu tal-art u tal-istejdjum jaqgħu għand il-muniċipalità jekk il-PSV jonqos milli jonora l-pagamenti tal-ħlas tal-lokazzjoni tiegħu jew ifalli. Din il-klawżola tikkostitwixxi devjazzjoni mill-konsegwenza standard taħt il-liġi ċivili Netherlandiża, skont liem id-dritt ta' fond lokatizju jsir parti mill-proprjetà falluta u għalhekk taħrab il-kontroll ta' sid l-art. Fil-każ preżenti, fl-aħħar tal-lokazzjoni, il-muniċipalità se tibqa' sid l-art u tikkontrolla l-użu tagħha.

(60)

Filwaqt li s-suppożizzjonijiet fir-rapport ta' valutazzjoni jidhru li huma raġonevoli kif indikat fil-premessi 48 sa 57, it-tqabbil ma' tranżazzjonijiet kummerċjali oħra jibqa' diffiċli peress li l-ftehimiet ta' lokazzjoni ppreżentati min-Netherlands għal finijiet ta' parametraġġ referenzjarju jistgħu jikkonċernaw setturi differenti (bħas-settur tal-abitazzjoni ta' Amsterdam). Għalhekk, sabiex tivvaluta jekk it-tranżazzjoni attwali hijiex konformi mal-MEIP, il-Kummissjoni aċċertat ruħha jekk bażi differenti għal tranżazzjoni kummerċjali — ibbażata fuq tranżazzjoni ta' self minn Eindhoven lill-PSV, bl-art bħala kollateral — kinitx isservi bħala parametru referenzjarju.

(61)

Il-Kummissjoni tosserva li l-ħlas tal-lokazzjoni li għandu jitħallas mill-PSV huwa ogħla mir-rata tas-suq ta' tali self, ladarba jitqiesu d-differenzi bejn tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura u self. L-aktar differenza sinifikanti hija relatata mal-fatt li, kieku l-PSV kellu juri inadempjenza wara li jikseb self mill-muniċipalità, fl-aħjar xenarju l-muniċipalità tirċievi lura l-ammont nozzjonali tas-self. Ma tkunx tista' tibbenefika minn kwalunkwe żieda fil-valur tal-art lil hinn mill-ammont nozzjonali tas-self. Fil-ftehim ta' bejgħ u lokazzjoni lura, il-muniċipalità ssir sid l-art fil-bidu tal-kuntratt tal-lokazzjoni u jkollha drittijiet ta' sjieda sħiħa fil-każ ta' inadempjenza. Il-muniċipalità tqiegħed enfasi fuq dan l-aspett meta tiddeċiedi dwar il-miżura, partikolarment meta wieħed iqis li l-fatt li l-art tkun kollha kemm hi disponibbli għaliha li fil-każ ta' inadempjenza tal-PSV tmur favur il-muniċipalità skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt Netherlandiż (il-premessa 59). Kwalunkwe żieda fil-valur tal-art (wara li jiġu ffissati t-termini tas-self) għalhekk se tkun ta' benefiċċju biss għall-muniċipalità.

(62)

Għalhekk, wieħed jistenna tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura li jkollha a priori redditu mistenni aktar baxx minn self. Ir-rata ta' redditu ta' self b'kollateral ta' kwalità għolja mogħtija lil kumpanija bi klassifikazzjoni simili għal klabb tal-futbol tal-PSV għalhekk tkun tikkostitwixxi limitu massimu għal punt ta' riferiment.

(63)

Fin-nuqqas ta' indikaturi tas-suq affidabbli (10), ir-rata ta' referenza tas-suq għax-xenarju alternattiv ta' self lill-PSV ikollha tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (11). Dan il-kalkolu jsir, sabiex ikun konservattiv, billi jitqies li l-PSV wera kwalità ta' kreditu fqira fl-2011 u bis-suppożizzjoni li hemm kollateralizzazzjoni għolja għas-self (jiġifieri l-art). Ir-rata ta' referenza li tirriżulta tammonta għal 6,05 %.

(64)

Investitur ta' self b'hekk jistenna redittu ogħla ta' 1,01 % mill-muniċipalità fit-tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura. Madankollu, il-muniċipalità xorta taġixxi bħala investitur f'ekonomija tas-suq jekk l-investitur ta' self ikun lest li jaħfer redditu ta' 1,01 % bi skambju għal żieda possibbli fil-valur tal-art (ara l-premessa 61). Abbażi tal-karatteristiċi tat-tranżazzjoni, tali potenzjal pożittiv jiswa mill-inqas 1,01 % u r-redditu mistenni mill-muniċipalità fit-tranżazzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura għalhekk jidher konformi mal-punti ta' riferiment tas-suq.

(65)

Għalhekk, jidher li l-kostruzzjoni ta' bejgħ u lokazzjoni lura ma tirriżultax f'vantaġġ indebitu għall-PSV u tipprovdi lill-muniċipalità b'redditu li jaqa' taħt l-MEIP.

(66)

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-ħlas tal-lokazzjoni annwali, skont in-Netherlands, jista' jiġi mqabbel mal-kera mħallsa xi mkien ieħor fil-pajjiż minn klabbs tal-futbol professjonali għall-kera tal-istejdjum. Filwaqt li kwalunkwe paragun bħal dan jibqa' diffiċli minħabba postijiet differenti, għandu jiġi enfasizzat li dawn il-klabbs l-oħra jħallsu l-kera annwali mhux biss għall-art ta' taħt l-istejdjum iżda għall-kumpless tal-istejdjum kollu. B'kuntrast ma' dan, il-PSV huwa s-sid tal- l-istejdjum, iħallas l-ispejjeż tal-operat u l-manutenzjoni tiegħu u barra minn hekk iħallas ħlas tal-lokazzjoni għall-art ta' taħtu.

6.   KONKLUŻJONI

(67)

Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li d-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-ftuħ ġew eliminati b'mod adegwat. Il-muniċipalità, meta xtrat l-art tal-istejdjum u krietha lura lill-PSV, ġabet ruħha bħalma kieku investitur privat ipotetiku kien iġib ruħu f'sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, it-tranżazzjoni ma tinvolvix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżura li implimentat in-Netherlands favur il-klabb tal-futbol PSV f'Eindhoven ma tikkostitwixxix għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Lulju 2016.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ SA.33584 (2013/C) (ex 2011/NN) — l-għajnuna tan-Netherlands lil ċerti klabbs professjonali tal-futbol Olandiżi bejn 2008-11 — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 116, 23.4.2013, p. 19).

(2)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna [1].

(3)  Il-Kawża T-370/13 Gemeente Eindhoven vs il-Kummissjoni.

(4)  ĠU C 209, 10.7.1997, p. 3.

(5)  Il-Każ C-325/08 Olympique Lyonnais ECLI:-UE: C: 2010: 143, il-paragrafi 27 u 28; il-Każ C-519/04 P Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni ECLI:-UE: C: 2006: 492, il-paragrafu 22; il-Kawża C-415/93 Bosman ECLI:-UE: C: 1995: 463, il-paragrafu 73.

(6)  Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-Ġermanja tal-20 ta' Marzu 2013 dwar il-Multifunktionsarena der Stadt Erfurt (Il-Każ SA.35135 (2012/N)), il-punt 12, u l- Multifunktionsarena der Stadt Jena (Il-Każ SA.35440 (2012/N)), l-avviżi fil-qosor f'ĠU C 140, 18.5.2013, p. 1, u tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar il- Fußballstadion Chemnitz (Il-Każ SA.36105 (2013/N)), l-avviż fil-qosor f'ĠU C 50, 21.2.2014, p. 1, il-paragrafi 12 sa 14; id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar Spanja tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-għajnuna possibbli mill-Istat għal erba' klabbs Spanjoli tal-futbol professjonali (il-Kawża SA.29769 (2013/C)), il-punt 28, Real Madrid CF (il-Kawża SA.33754 (2013/C)), il-punt 20, u għajnuna allegata favur tliet klabbs tal-futbol tal-Valencia (il-Kawża SA.36387 (2013/C)), il-punt 16, ippubblikati fil-ĠU C 69, 7.3.2014, p. 99.

(7)  Skont it-test tal-MEIP, l-ebda għajnuna mill-Istat ma tiġi involuta fejn, f'ċirkostanzi simili, investitur privat, li jopera f'kundizzjonijiet normali tas-suq f'ekonomija tas-suq, seta' ġie mħeġġeġ biex jipprovdi lill-benefiċjarju l-miżuri inkwistjoni.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/529/UE tal-20 ta' April 2011 dwar il-miżura C-37/04 (ex NN 51/04), implimentata mill-Finlandja għal Componenta Oyj (ĠU L 230, 7.9.2011, p. 69), il-premessi 68 sa 74.

(9)  http://data.worldbank.org/indicator/FP.CPI.TOTL.ZG/countries/NL?display=graph.

(10)  F'dan il-każ, ma kienx hemm biżżejjed dejta biex jinbena indikatur tas-suq għar-rata tal-punt ta' riferiment.

(11)  ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.