ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 258

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
24 ta' Settembru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1712 tas-7 ta' Ġunju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment, rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw sett minimu ta' informazzjoni dwar kuntratti finanzjarji li għandha tkun fir-rekords dettaljati u ċ-ċirkustanzi li fihom ir-rekwiżit għandu jkun impost ( 1 )

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1713 tal-20 ta' Settembru 2016 li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem il-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017

8

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1714 tat-23 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

10

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1715 tat-23 ta' Settembru 2016 dwar il-kwistjoni tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross skont il-kwoti tariffarji miftuħa għas-subperjodu ta' Settembru 2016 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

12

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1716 tal-20 ta' Settembru 2016 li taħtar żewġ membri u żewġ membri supplenti, proposti mir-Renju ta' Spanja fil-Kumitat tar-Reġjuni

15

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/1717 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta' Settembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/27)

17

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1712

tas-7 ta' Ġunju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti tal-investiment, rigward standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw sett minimu ta' informazzjoni dwar kuntratti finanzjarji li għandha tkun fir-rekords dettaljati u ċ-ċirkustanzi li fihom ir-rekwiżit għandu jkun impost

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u, b'mod partikulari, l-Artikolu 71(8) tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jkunu jistgħu faċilment jaċċessaw l-informazzjoni dwar kuntratti finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 2(1)(100) tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn il-pjan ta' riżoluzzjoni jew il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp applikabbli jipprevedi t-teħid ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, dawk l-awtoritajiet għandhom jeħtieġu lill-istituzzjonijiet jew lill-entitajiet iżommu fuq bażi kontinwa sett minimu ta' informazzjoni dwar dawn il-kuntratti. Dak għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibilità tal-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jitolbu tinżamm informazzjoni addizzjonali f'rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji u li jimponu dawn ir-rekwiżiti fuq istituzzjonijiet jew entitajiet msemmija oħra msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE meta jkun meħtieġ biex ikun żgurat ippjanar effettiv u komprensiv.

(2)

Sett minimu ta' informazzjoni li tinżamm f'rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji mill-istituzzjonijiet jew l-entitajiet rilevanti għandhom ikunu ddeterminati b'mod ċar. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jużawha bħala formula jew biex jippreskrivu l-format li fih għandha tiġi provduta l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat fit-talba.

(3)

Biex jiġi evitat kull dubju, l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet relevanti biex iżommu rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji m'għandux jaffettwa d-dritt tal-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jitolbu informazzjoni neċessarja mingħand ir-repożitorji tat-transazzjonijiet skont l-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u l-Artikolu 71(7) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(5)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Kkonċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Obbligi li jinżammu rekords dettaljati tal-kuntratti finanzjarji

1.   Istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tkun meħtieġa mill-awtorità kompetenti jew l-awtorità tar-riżoluzzjoni li żżomm reġistrazzjonijiet dettaljati ta' kuntratti finanzjarji meta l-pjan ta' riżoluzzjoni jew il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp jipprevedi t-teħid ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata fil-każ li l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jkunu ssodisfati.

2.   Meta jkun meħtieġ li jsir ippjanar komprensiv u effikaċi, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jimponu r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 fuq l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet imsemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, li ma jkunux koperti mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 2

Sett minimu ta' informazzjoni dwar kuntratti finanzjarji li trid tinżamm f'rekords dettaljati

1.   Istituzzjoni jew entità li hija obbligata żżomm reġistrazzjonijiet dettaljati ta' kuntratti finanzjarji taħt l-Artikolu 1 għandha żżomm fuq bażi kontinwa sett minimu ta' informazzjoni elenkata fl-Anness għal kull kuntratt finanzjarju fir-rekords tagħha.

2.   L-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-paragrafu 1 għandha, fuq talba ta' awtorità kompetenti jew awtorità ta' riżoluzzjoni, tagħmel disponibbli u tittrażmetti l-informazzjoni mitluba dwar kuntratti finanzjarji, lill-awtorità li tagħmel it-talba fiż-żmien stabbilit f'dik it-talba.

3.   Fejn xi parti mill-informazzjoni mitluba fl-Anness ma tkunx applikabbli għal ċertu tip ta' kuntratt finanzjarju u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-paragrafu 1 tista' turi dan lill-awtorità kompetenti jew lill-awtorità ta' riżoluzzjoni, l-informazzjoni rilevanti għal dik il-kaxxa għandha tiġi eskluża mill-obbligu skont l-Artikolu 1.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS

Is-sett minimu ta' informazzjoni dwar il-kuntratti finanzjarji li għandha tkun inkluża f'reġistri dettaljati

 

Kaxxa

Deskrizzjoni tal-informazzjoni li għandha tinżamm f'reġistri dettaljati tal-kuntratti finanzjarji

Taqsima 1 — Partijiet għall-kuntratt finanzjarju

1

Kronogramma taż-żamma tar-rekords tal-ħin

Id-data u l-ħin tad-dħul tar-reġistrazzjoni.

2

Tip ta' ID tal-kontroparti li tirrapporta

Tip ta' kodiċi użat biex jidentifika l-kontroparti li tirrapporta.

3

ID tal-Kontroparti li Tirrapporta

Kodiċi uniku (Identifikatur tal-Entità Legali (LEI), fejn ikun disponibbli) li jidentifika l-kontroparti li tirrapporta.

4

Tip ta' ID tal-kontroparti l-oħra

Tip ta' kodiċi użat biex jidentifika l-kontroparti l-oħra.

5

ID tal-kontroparti l-oħra

Kodiċi uniku (LEI, fejn disponibbli) li jidentifika lill-kontroparti l-oħra tal-kuntratt finanzjarju. Din il-kaxxa għandha timtela mill-perspettiva tal-kontroparti li tirrapporta. Fil-każ ta' individwu, għandu jintuża kodiċi tal-klijent b'mod konsistenti.

6

Isem tal-kontroparti li tirrapporta.

Isem korporattiv tal-kontroparti li tirrapporta.

Din il-kaxxa tista' titħalla vojta fejn il-LEI jintuża biex jidentifika l-kontroparti li tirrapporta.

7

Domiċilju tal-kontroparti li tirrapporta.

Informazzjoni dwar l-uffiċċju reġistrat, li tikkonsisti fl-indirizz sħiħ, il-belt u l-pajjiż tal-kontroparti li tirrapporta.

Din il-kaxxa tista' titħalla vojta fejn il-LEI jintuża biex jidentifika kontroparti li tirrapporta.

8

Pajjiż tal-Kontroparti l-oħra

Il-kodiċi tal-pajjiż fejn l-uffiċċju reġistrat tal-kontroparti l-oħra jkun jinsab jew, jekk il-kontroparti l-oħra tkun persuna fiżika, il-pajjiż ta' residenza.

9

Liġi Regolatorja

Identifikai l-liġi li tirregola l-kuntratt finanzjarju.

10

Rikonoxximent kuntrattwali — Setgħat ta' valwazzjoni negattiva u ta' konverżjoni (biss għal kuntratti regolati minn liġi ta' pajjiż terz soġġett għall-ħtieġa ta' klawżola kuntrattwali skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE)

Il-klawżola kuntrattwali meħtieġa taħt l-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Meta tali klawżola kuntrattwali tkun inkluża fi ftehim prinċipali u tapplika għat-tranżazzjonijiet kollha rregolati minn dak il-ftehim prinċipali, tista' tiġi rreġistrata fil-livell tal-ftehim prinċipali.

11

Rikonoxximent kuntrattwali — Sospensjoni tad-drittijiet tat-terminazzjoni (biss għal kuntratti regolati mil-liġi ta' pajjiż terz)

Il-klawżola kuntrattwali li bih il-kreditur jew parti għall-ftehim li joħloq l-obbligazzjoni jirrikonoxxi s-setgħa tal-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' Stat Membru li tissospendi d-drittijiet tat-terminazzjoni.

Fejn tali klawżola kuntrattwali tkun inkluża fi ftehim prinċipali u tapplika għal kull tranżazzjoni rregolat minn dak il-ftehim prinċipali, tista' tiġi rreġistrata fil-livell tal-ftehim prinċipali.

12

Rikonoxximent kuntrattwali — Setgħat tar-riżoluzzjoni (biss għal kuntratti regolati mil-liġi ta' pajjiż terz)

It-terminu kuntrattwali, jekk hemm, li bih il-kreditur jew parti għall-ftehim li joħloq l-obbligazzjoni jirrikonoxxi s-setgħa tal-awtorità tar-riżoluzzjoni ta' Stat Membru li tapplika s-setgħat tar-riżoluzzjoni minbarra dawk identifikati fil-kaxxi 10 u 11.

Fejn tali klawżola kuntrattwali tkun inkluża fi ftehim prinċipali u tapplika għal kull tranżazzjoni rregolata minn dak il-ftehim prinċipali, tista' tiġi rreġistrata fil-livell tal-ftehim prinċipali.

13

Linji ta' negozju ewlenin

Jidentifika liema linja ta' negozju ewlenija jew linji ta' negozju ewlenin tirrigwarda l-kuntratt finanzjarju, jekk ikun hemm.

14

Il-valur tal-kuntratt.

Valwazzjoni skont is-suq ta' kuntratt finanzjarju, jew valutazzjoni skont mudell użat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u rappurtat b'applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u delegat u regolamenti ta' implimentazzjoni adottati fih. Għandha tintuża l-valwazzjoni tas-CCP għal tranżazzjoni kklerjata.

15

Munita tal-valur

Il-munita użata għall-valwazzjoni tal-kuntratt finanzjarju.

16

Kronogramma tal-valwazzjoni

Id-data u l-ħin tal-aħħar valwazzjoni

Għal valwazzjoni skont il-valur tas-suq, id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni tal-prezzijiet ta' referenza għandhom jiġu rrappurtati.

17

Tip ta' valwazzjoni

Indika jekk il-valwazzjoni twettqitx skont il-valur tas-suq jew skont mudell jew ġietx ipprovduta mis-CCP.

18

Kollateralizzazzjoni

Indika jekk jeżistix ftehim ta' kollateral bejn il-kontropartijiet. Fejn il-kuntratti finanzjarji huma koperti mir-rekwiżiti ta' rappurtar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u delegat u regolamenti ta' implimentazzjoni adottati fih, informazzjoni fuq kollateralizzazzjoni għandha tkun provduta kif meħtieġ minn dawk ir-rekwiżiti.

19

Portafoll tal-kollateral

Indika jekk il-kollateralizzazzjoni twettqitx fuq bażi ta' portafoll. Portafoll tfisser il-kollateral ikkalkulat fuq il-bażi tal-pożizzjonijiet netti li jirriżultaw minn sett ta' kuntratti, minflok għal kull tranżazzjoni.

20

Kodiċi tal-portafoll tal-kollateral

Jekk il-kollateral jiġi rrapportat fuq bażi ta' portafoll, il-portafoll għandu jiġi identifikat b'kodiċi uniku determinat mill-kontroparti li tirrapporta.

21

Il-marġni inizjali depożitat

Il-valur tal-marġni inizjali depożitat mill-kontroparti li tirrapporta lill-kontroparti l-oħra.

Meta l-marġni inizjali jiġi depożitat fuq bażi ta' portafoll, din il-kaxxa għandha tinkludi l-valuri ġenerali tal-marġni inizjali depożitat għall-portafoll.

22

Il-munita tal-marġni inizjali depożitat

Speċifika l-munita tal-marġni inizjali depożitat

23

Marġni tal-varjazzjoni depożitat

Il-valur tal-marġni tal-varjazzjoni ddepożitat, inkluż il-flus saldati, mill-kontroparti li tirrapporta lill-kontroparti l-oħra.

Fejn il-marġni tal-varjazzjoni huwa depożitat fuq bażi ta' portafoll, din il-kaxxa għandha tinkludi l-valuri ġenerali tal-marġni tal-varjazzjoni depożitat għall-portafoll.

24

Il-munita tal-marġni tal-varjazzjoni depożitat

Speċifika l-munita tal-marġni tal-varjazzjoni depożitat

25

Il-marġni inizjali riċevut

Il-valur tal-marġni inizjali riċevut mill-kontroparti li tirrapporta lill-kontroparti l-oħra.

Meta l-marġni inizjali jiġi riċevut fuq bażi ta' portafoll, din il-kaxxa għandha tinkludi l-valuri ġenerali tal-marġni inizjali riċevut għall-portafoll.

26

Il-munita tal-marġni inizjali riċevut

Speċifika l-munita tal-marġni inizjali riċevut

27

Il-marġni ta' varjazzjoni riċevut

Il-valur tal-marġni tal-varjazzjoni riċevut, inkluż il-flus imħallsa, mill-kontroparti li tirrapporta lill-kontroparti l-oħra.

Meta l-marġni ta' varjazzjoni jiġi riċevut fuq bażi ta' portafoll, din il-kaxxa għandha tinkludi l-valuri ġenerali tal-marġni ta' varjazzjoni riċevut għall-portafoll.

28

Il-munita tal-marġni ta' varjazzjoni riċevut

Speċifika l-munita tal-marġni ta' varjazzjoni riċevut

Taqsima 2a — Tip ta' kuntratt finanzjarju

29

It-tip ta' kuntratt finanzjarju

Ikklassifika l-kuntratt finanzjarju meħtieġ skont l-Artikolu 2, il-paragrafu 1, il-punt 100 tad-Direttiva 2014/59/UE.

30

Identifikazzjoni tal-kuntratt finanzjarju

ID uniku tat-tranżazzjoni fejn il-kuntratt finanzjarju huwa kopert mir-rekwiżiti ta' rappurtar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u delegat u regolamenti ta' implimentazzjoni adottati fih. Għal kwalunkwe kuntratt finanzjarju ieħor, ID assenjat mill-kontroparti li tirrapporta.

Taqsima 2b — Dettalji dwar it-tranżazzjoni

31

Data effettiva

Data meta jidħlu fis-seħħ l-obbligi skont il-kuntratt finanzjarju.

32

Data tal-maturità

Data oriġinali tal-iskadenza tal-kuntratt finanzjarju rapportat. Terminazzjoni bikrija ma għandhiex tiġi rrapportata f'din il-kaxxa.

33

Data tat-terminazzjoni

Data tat-terminazzjoni fil-każ ta' terminazzjoni bikrija ta' kuntratt finanzjarju rrappurtat.

Jekk mhux differenti mid-data tal-maturità, din il-kaxxa għandha titħalla vojta.

34

Dritt tat-terminazzjoni

Indika jekk id-dritt ta' terminazzjoni tal-kontroparti l-oħra taħt il-kuntratt finanzjarju rrappurtat huwiex ibbażat fuq l-insolvenza jew il-kondizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

Fejn tali klawżola kuntrattwali tkun inkluża fi ftehim prinċipali u tapplika għal kull tranżazzjoni rregolata minn dak il-ftehim prinċipali, tista' tiġi rreġistrata fil-livell tal-ftehim prinċipali.

35

Tip ta' Ftehim Prinċipali

Referenza għall-isem tal-ftehim prinċipali relevanti, jekk użat għall-kuntratt finanzjarju rapportat (eż. Ftehim Prinċipali ISDA; Ftehim Prinċipali tax-Xiri u l-Bejgħ tal-Enerġija; Ftehim Prinċipali Internazzjonali ForEx; Ftehim Prinċipali Ewropew jew kwalunkwe ftehim prinċipali lokali).

36

Verżjoni tal-Ftehim Prinċipali

Referenza għas-sena tal-verżjoni tal-ftehim prinċipali użat għat-tranżazzjoni rapportata, jekk applikabbli (eż. 1992, 2002, …).

37

Ftehimiet ta' netting

Jekk il-kuntratti finanzjarji huwa parti minn arranġament ta' netting kif definit fl-Artikolu 2(1)(98) tad-Direttiva 2014/59/UE, referenza unika tal-arranġament ta' netting.

38

It-tip ta' obbligazzjoni/pretensjoni

Indika jekk l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt finanzjarju humiex:

kompletament esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE;

parzjalment esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.

mhux esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Taqsima 2c — Ikklerjar

39

Obbligu tal-ikklerjar

Indika jekk il-kuntratt finanzjarji rrappurtat jappartjenix għal klassi ta' derivattivi OTC li jkun ġie ddikjarat soġġett għall-obbligu tal-ikklerjar u ż-żewġ kontropartijiet tal-kuntratt huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012, mal-waqt tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt finanzjarju.

40

Ikklerjat

Indika jekk l-ikklerjar seħħx.

41

Kronogramma tal-ikklerjar

Ħin u data meta seħħ l-ikklerjar.

42

CCP

F'każ ta' kuntratt finanzjarju li ġie kklerjat, il-kodiċi uniku għas-CCP li kklerja l-kuntratt finanzjarju.

43

Intragrupp

Indika jekk il-kuntratt finanzjarju ġiex iffirmat bħala tranżazzjoni intragrupp, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.


24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1713

tal-20 ta' Settembru 2016

li jiffissa l-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota sa tmiem il-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 139(2) u l-punt (g) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 144 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, iz-zokkor jew l-isoglukożju li jiġi prodott u li jaqbeż il-kwota msemmija fl-Artikolu 136 ta' dak ir-Regolament, jista' jiġi esportat biss fi ħdan il-limitu kwantitattiv li jrid jiġi ffissat mill-Kummissjoni.

(2)

Ir-regoli ddettaljati tal-implimentazzjoni għall-esportazzjonijiet barra mill-kwota, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħruġ ta' liċenzji tal-esportazzjoni, huma stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 (2). Madankollu, għal kull kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni, il-limitu kwantitattiv jeħtieġ li jiġi ffissat abbażi tal-opportunitajiet possibbli fis-swieq tal-esportazzjoni.

(3)

Għal ċerti produtturi taz-zokkor u l-isoglukożju fl-Unjoni, l-esportazzjonijiet mill-Unjoni jirrappreżentaw parti importanti mill-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u dawn stabbilew swieq tradizzjonali barra mill-Unjoni. L-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju lejn dawk is-swieq jistgħu jkunu ekonomikament vijabbli anke mingħajr l-għoti ta' rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġi ffissat limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet taz-zokkor u tal-isoglukożju barra mill-kwota sabiex il-produtturi kkonċernati tal-UE jkunu jistgħu jkomplu jfornu lis-swieq tradizzjonali tagħhom.

(4)

Għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017, huwa stmat li l-iffissar tal-limitu kwantitattiv inizjalment għal 650 000 tunnellata, f'ekwivalenti ta' zokkor abjad, għall-esportazzjonijiet taz-zokkor barra mill-kwota, u għal 70 000 tunnellata, f'materja niexfa, għall-isoglukożju barra mill-kwota, ikun jikkorrispondi għad-domanda tas-suq.

(5)

L-esportazzjonijiet taz-zokkor mill-Unjoni lejn ċerti destinazzjonijiet fil-qrib u lejn pajjiżi terzi li jagħtu trattament preferenzjali tal-importazzjoni lill-prodotti tal-Unjoni, attwalment jinsabu f'pożizzjoni kompetittiva partikolarment favorevoli. Fid-dawl tan-nuqqas ta' strumenti xierqa ta' assistenza reċiproka fil-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' frodi u jiġi evitat kull abbuż assoċjat mal-importazzjoni mill-ġdid jew mad-dħul mill-ġdid fl-Unjoni ta' zokkor barra mill-kwota, ċerti destinazzjonijiet fil-qrib jeħtieġ li jiġu esklużi mid-destinazzjonijiet eliġibbli.

(6)

Fid-dawl tal-istima ta' anqas riskji ta' frodi eventwali fir-rigward tal-isoglukożju minħabba n-natura tal-prodott, mhuwiex meħtieġ li jkunu ristretti d-destinazzjonijiet eliġibbli għall-esportazzjoni tal-isokglukożju barra mill-kwota.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun ta' 650 000 tunnellata għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta' zokkor abjad barra mill-kwota kklassifikat fil-kodici NM 1701 99.

2.   L-esportazzjonijiet fil-limitu kwantitattiv iffissat fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi għad-destinazzjonijiet kollha, minbarra:

(a)

il-pajjiżi terzi: l-Albanija, Andorra, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan), il-Kosovo (3), il-Liechtenstein, il-Montenegro, San Marino u s-Serbja;

(b)

it-territorji tal-Istati Membri li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: il-Gżejjer Faeroe, Greenland, Heligoland, Ceuta, Melilla, il-komuni ta' Livigno u Campione d'Italia, u ż-żoni tar-Repubblika ta' Ċipru fejn il-Gvern tar-Repubblika ta' Ċipru ma jeżerċitax kontroll effettiv;

(c)

it-territorji Ewropej li għar-relazzjonijiet esterni tagħhom huwa responsabbli Stat Membru, li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-Unjoni: Ġibiltà.

Artikolu 2

L-iffissar tal-limitu kwantitattiv għall-esportazzjonijiet tal-isoglukożju barra mill-kwota

1.   Għall-kampanja ta' kummerċjalizzazzjoni 2016/2017, il-limitu kwantitattiv imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun ta' 70 000 tunnellata ta' materja niexfa, għall-esportazzjonijiet mingħajr rifużjoni ta' isoglukożju barra mill-kwota kklassifikat fil-kodiċijiet NM 1702 40 10, 1702 60 10 u 1702 90 30.

2.   L-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu permessi biss meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 951/2006.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Ottubru 2016.

Għandu jiskadi fit-30 ta' Settembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24).

(3)  Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.


24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1714

tat-23 ta' Settembru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

186,6

ZZ

186,6

0707 00 05

TR

118,8

ZZ

118,8

0709 93 10

AR

162,6

TR

140,0

ZZ

151,3

0805 50 10

AR

88,9

CL

113,1

MA

81,7

TR

105,7

UY

104,0

ZA

115,5

ZZ

101,5

0806 10 10

TR

129,5

ZA

80,3

ZZ

104,9

0808 10 80

AR

149,5

BR

97,9

CL

131,2

NZ

125,3

US

144,0

ZA

104,1

ZZ

125,3

0808 30 90

CL

115,7

CN

92,9

TR

132,1

ZA

155,4

ZZ

124,0

0809 30 10 , 0809 30 90

TR

129,2

ZZ

129,2


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1715

tat-23 ta' Settembru 2016

dwar il-kwistjoni tal-liċenzji għall-importazzjoni tar-ross skont il-kwoti tariffarji miftuħa għas-subperjodu ta' Settembru 2016 permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 188 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1273/2011 (2) fetaħ u pprovda għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta' ross u ross miksur, li jinqasmu skont il-pajjiż tal-oriġini u f'diversi subperjodi skont l-Anness I tal-istess Regolament ta' Implimentazzjoni.

(2)

Settembru huwa r-raba' subperjodu għall-kwota pprovduta skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011, it-tielet subperjodu għall-kwota pprovduta skont l-Artikolu 1(1)(d) tal-istess Regolament ta' Implimentazzjoni u l-ewwel subperjodu għall-kwota pprovduta skont l-Artikolu 1(1)(e) tal-istess Regolament ta' Implimentazzjoni.

(3)

In-notifiki mibgħuta skont l-Artikolu 8(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011 juru li, għall-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4117 — 09.4118 u 09.4168, l-applikazzjonijiet imressqa fl-ewwel 10 ijiem ta' xogħol ta' Settembru 2016, skont l-Artikolu 4(1) ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni, ikopru kwantità li taqbeż dik disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġu stabbiliti l-koeffiċjenti tal-allokazzjoni li għandhom jiġu applikati għall-kwantitajiet mitluba skont il-kwota/i kkonċernata/i, ikkalkulati f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(4)

Dawk in-notifiki juru wkoll li, għall-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4127 — 09.4128 — 09.4129 — 09.4112 u 09.4119, l-applikazzjonijiet imressqa fl-ewwel 10 ijiem ta' xogħol ta' Settembru 2016, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011, ikopru kwantità li hija inqas minn dik disponibbli.

(5)

Il-kwantità mhux użata għas-subperjodu ta' Settembru tal-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4127 — 09.4128 — 09.4129 u 09.4130 hija trasferita għall-kwota bin-numru tal-ordni 09.4138 għas-subperjodu sussegwenti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011.

(6)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita wkoll il-kwantità totali disponibbli għas-subperjodu sussegwenti għall-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4138 u 09.4168, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011.

(7)

Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva tal-proċedura tal-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni ta' ross li jaqgħu taħt il-kwoti bin-numru tal-ordni 09.4117 — 09.4118 u 09.4168, imsemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011 u mressqa matul l-ewwel 10 ijiem ta' xogħol ta' Settembru 2016, jagħtu lok għall-ħruġ ta' liċenzji għall-kwantità mitluba, immultiplikata bil-koeffiċjent tal-allokazzjoni stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-kwantità totali disponibbli għas-subperjodu sussegwenti taħt il-kwoti bin-numri tal-ordni 09.4138 u 09.4168 imsemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011, hija stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1273/2011 tas-7 ta' Diċembru 2011 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti ta' tariffi għall-importazzjoni ta' ross u ross miksur (ĠU L 325, 8.12.2011, p. 6).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


ANNESS

Kwantitajiet li għandhom jiġu allokati għas-subperjodu tax-xahar ta' Settembru 2016 u kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu sussegwenti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011

(a)

Kwota ta' ross mitħun kollu jew ross mitħun parzjalment kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 30 kif stipulat bl-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011:

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Settembru 2016

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' Ottubru 2016 (kg)

L-Istati Uniti

09.4127

 (1)

 

It-Tajlandja

09.4128

 (1)

 

L-Awstralja

09.4129

 (1)

 

Oriġini oħra

09.4130

 (2)

 

Il-pajjiżi kollha

09.4138

 

2 388 075

(b)

Kwota ta' ross mitħun kollu jew ross mitħun parzjalment kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 30 kif stipulat bl-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011:

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Settembru 2016

It-Tajlandja

09.4112

 (3)

L-Istati Uniti

09.4116

 (4)

L-Indja

09.4117

19,777775 %

Il-Pakistan

09.4118

22,796412 %

Oriġini oħra

09.4119

 (3)

Il-pajjiżi kollha

09.4166

 (4)

(c)

Kwota ta' ross miksur kopert bil-kodiċi tan-NM 1006 40 00 kif stipulat fl-Artikolu 1(1)(e) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1273/2011:

Oriġini

Numru tal-ordni

Koeffiċjent tal-allokazzjoni għas-subperjodu ta' Settembru 2016

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' Ottubru 2016 (kg)

Il-pajjiżi kollha

09.4168

1,050522 %

0


(1)  L-applikazzjonijiet ikopru kwantitajiet li huma inqas minn jew daqs il-kwantitajiet disponibbli: għalhekk, l-applikazzjonijiet kollha huma aċċettabbli.

(2)  L-ebda kwantità disponibbli għal dan is-subperjodu.

(3)  L-applikazzjonijiet ikopru kwantitajiet li huma inqas minn jew daqs il-kwantitajiet disponibbli: għalhekk, l-applikazzjonijiet kollha huma aċċettabbli.

(4)  L-ebda kwantità disponibbli għal dan is-subperjodu.


DEĊIŻJONIJIET

24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/15


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1716

tal-20 ta' Settembru 2016

li taħtar żewġ membri u żewġ membri supplenti, proposti mir-Renju ta' Spanja fil-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 305 tiegħu,

Filwaqt li kkunsidra l-proposta mill-Gvern Spanjol,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Jannar 2015, fil-5 ta' Frar 2015 u fit-23 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjonijiet (UE) 2015/116 (1), (UE) 2015/190 (2) u (UE) 2015/994 (3) li jaħtru l-membri u l-membri supplenti fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020.

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sur Alberto FABRA PART u tas-Sinjura Nuria MARÍN MARTÍNEZ saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni.

(3)

Konsegwentement għal tmiem il-mandati tas-Sur Francisco Javier LEÓN DE LA RIVA u tas-Sur Fernando MARTÍNEZ-MAILLO TORIBIO saru vakanti s-siġġijiet ta' żewġ membri fil-Kumitat tar-Reġjuni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dawn li ġejjin huma b'dan maħturin fil-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2020:

(a)

bħala membri:

Is-Sur Juan ESPADAS CEJAS, Alcalde de Sevilla,

Is-Sur Antonio ROMÁN JASANADA, Alcalde de Guadalajara,

u

(b)

bħala membri supplenti:

Is-Sur Pedro Luis SANZ CARLAVILLA, Alcalde de Meco,

Is-Sur David PÉREZ GARCÍA, Alcalde de Alcorcón.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Settembru 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

I. KORČOK


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/116 tas-26 ta' Jannar 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 20, 27.1.2015, p. 42).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/190 tal-5 ta' Frar 2015 li taħtar il-membri u membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 25).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/994 tat-23 ta' Ġunju 2015 li taħtar il-membri u l-membri supplenti tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-perijodu mis-26 ta' Jannar 2015 sal-25 ta' Jannar 2020 (ĠU L 159, 25.6.2015, p. 70).


24.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/17


DEĊIŻJONI (UE) 2016/1717 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-21 ta' Settembru 2016

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2004/2 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/27)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 12.3 tiegħu,

Billi:

(1)

L-istrumenti legali indirizzati lill-bank ċentrali nazzjonali (BĊNi) u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ANK), bħal linji gwida u struzzjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom jiġu nnotifikati kif suppost lid-destinatarji tagħhom. Illum il-ġurnata, il-prattika aċċettata b'mod komuni għal notifiki bejn il-BĊE, minn naħa waħda, u l-BĊNi u l-ANK, min-naħa l-oħra, hija l-użu ta' mezzi elettroniċi inkluż l-email. Min-naħa l-oħra, it-telex m'għadux jintuża bħala mezz ta' komunikazzjoni minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi.

(2)

Fl-aħħar sentejn, il-BĊE adotta ħafna deċiżjonijiet indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni jew entitajiet li applikaw għal awtorizzazzjoni biex jibdew joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu. Bl-istess mod, il-BĊE adotta deċiżjoni li timponi sanzjonijiet kontra terzi. Għalkemm il-liġi primarja ma tippreskrivix dan, ir-Regoli tal-Proċedura tal-BĊE preżentament jeħtieġu li l-President tal-BĊE jiffirma dawn it-tipi ta' deċiżjonijiet tal-BĊE li jkollhom destinatarji.

(3)

Fil-futur, deċiżjonijiet tal-BĊE indirizzati lil entitajiet taħt superviżjoni jew entitajiet li jkunu applikaw għal awtorizzazzjoni biex joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu u deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet kontra terzi għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv, sabiex tiġi ċċertifikata l-konformità mad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv.

(4)

Peress li l-volum ta' deċiżjonijiet superviżorji żdied b'mod sinifikanti, l-emenda għandha tiġi adottata b'urġenza u tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 (1) għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew

Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 hija emendata kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 17.2 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.2.

Linji ta' Giwda tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u minn hemm 'il quddiem għandhom jiġu nnotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. Dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. In-notifika lill-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati fuq karta. Kull Linja Gwida tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(2)

Il-paragrafu 17.4 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.4.

Id-deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv jew mill-Bord Eżekuttiv fl-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom, u għandhom ikunu ffirmati mill-President. Deċiżjonijiet tal-BĊE li jimponu sanzjonijiet kontra terzi għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġu ċċertifikati. Id-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-BĊE għandhom jiddikjaraw r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Ir-Rakkomandazzjonijiet għal leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni taħt l-Artikolu 41 tal-Istatut għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv.”.

(3)

Il-paragrafu 17.6 huwa mibdul b'dan li ġej:

“17.6.

L-Istruzzjonijiet tal-BĊE għandhom jiġu adottati mill-Bord Eżekuttiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati, f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, u ffirmati f'isem il-Bord Eżekuttiv mill-President jew minn kwalunkwe żewġ membri tal-Bord Eżekuttiv. In-notifika lill-banek ċentrali nazzjonali tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati fuq karta. Kull Struzzjoni tal-BĊE li għandha tiġi ppubblikata uffiċjalment għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”;

(4)

Il-paragrafu 17a.2. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.2.

Il-linji gwidi tal-BĊE relatati ma' kompiti superviżorji skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(5)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. In-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati.”;

(5)

Il-paragrafu 17a.3. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.3.

L-istruzzjonijiet tal-BĊE relatati ma' kompiti superviżorji skont l-Artikolu 6(3), l-Artikolu 6(5)(a) u l-Artikoli 7(1), 7(4), 9(1) u 30(5) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv, u wara għandhom jiġu nnotifikati u ffirmati mill-President f'isem il-Kunsill Governattiv. Dawn għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. In-notifika lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu tista' ssir b'mezzi elettroniċi, permezz ta' telefax jew b'dokumenti stampati.”;

(6)

Il-paragrafu 17a.4. huwa mibdul b'dan li ġej:

“17a.4.

Deċiżjonijiet tal-BĊE fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni u entitajiet li applikaw għal awtorizzazzjoni biex joperaw bħala istituzzjoni ta' kreditu għandhom jiġu adottati mill-Kunsill Governattiv u għandhom jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv sabiex jiġu ċċertifikati. Wara għandhom jiġu nnotifikati lill-persuni li lilhom huma indirizzati.”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-21 ta' Settembru 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tad-19 ta' Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).