ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 237

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
3 ta' Settembru 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1450 tat-23 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli ( 1 )

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1451 tat-2 ta' Settembru 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

10

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1452 tat-2 ta' Settembru 2016 li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja (notifikata bid-dokument C(2016) 5708)  ( 1 )

12

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

3.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1450

tat-23 ta' Mejju 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x'jaqsmu ma' metodoloġija għall-iffissar tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment (1), u b'mod partikolari l- Artikolu 45(2) tagħha,

Billi:

(1)

Riżoluzzjoni effettiva tista' tkun fattibbli u kredibbli biss jekk riżorsi finanzjarji adegwati jkunu disponibbli lil istituzzjoni sabiex jiġi assorbit it-telf u għall-għanijiet ta' rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jiġu affettwati ċerti obbligazzjonijiet, b'mod partikolari dawk li huma esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna. Id-Direttiva 2014/59/UE tipprovdi li l-istituzzjonijiet għandhom jissodisfaw rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (“MREL”) sabiex jevitaw li l-istituzzjonijiet jibbażaw eċċessivament fuq forom ta' finanzjament li huma esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna, billi n-nuqqas ta' sodisfazzjoni ta' MREL jolqot il-kapaċità ta' assorbiment ta' telf u ta' rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet negattivament, u, fl-aħħar mill-aħħar, l-effettività ġenerali ta' riżoluzzjoni.

(2)

Meta tiffissa MREL f'konformità mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-ħtieġa, f'każ ta' applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, sabiex jiġi żgurat li l-istituzzjoni hija kapaċi tassorbi ammont adegwat ta' telf u li tkun rikapitalizzata b'ammont biżżejjed biex tinkiseb lura l-Proporzjon tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tagħha għal livell suffiċjenti biex iżżomm ir-rekwiżiti kapitali għal awtorizzazzjoni u fl-istess ħin biex isostni biżżejjed fiduċja tas-suq. Din ir-relazzjoni mill-qrib ma' deċiżjonijiet superviżorji teħtieġ li dawn il-valutazzjonijiet isiru mill-awtorità ta' riżoluzzjoni f'konsultazzjoni mill-qrib mal-awtorità kompetenti b'mod konsistenti mal-qafas stabbilit fl-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, u li għaldaqstant l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha, fil-kuntest tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta mal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, tieħu kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet magħmula mill-awtorità kompetenti fuq il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għall-iskopijiet ta' stabbiliment ta' rekwiżiti prudenzjali.

(3)

B'mod partikolari, il-valutazzjoni tal-kapaċità meħtieġa għall-assorbiment ta' telf għandha tkun marbuta mill-qrib mar-rekwiżiti attwali tal-kapital tal-istituzzjoni u l-valutazzjoni tal-kapaċità meħtieġa sabiex jinkiseb lura l-kapital għandha tkun marbuta mill-qrib ma' rekwiżiti kapitali probabbli wara l-applikazzjoni ta' strateġija ta' riżoluzzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ċari għaliex telf f'riżoluzzjoni għandu jiġi evalwat b'mod differenti minn f'negozju avvjat. Valutazzjoni simili hija meħtieġa biex ikun żgurat li l-MREL huwa biżżejjed biex jiġi żgurat r-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni meta l-għodod tar-riżoluzzjoni minbarra rikapitalizzazzjoni interna għandhom jiġu applikati.

(4)

Il-punt (c) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE jirrikjedi wkoll li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-possibbiltà li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet, identifikati fi pjanijiet ta' riżoluzzjoni u fil-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà, jistgħu jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna. Wieħed ma għandux joqgħod fuq l-obbligazzjonijiet ta' dak it-tip għall-għanijiet tas-sodisfazzjon tal-MREL. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jaraw li, meta ammonti sinifikanti ta' kwalunkwe klassi ta' obbligazzjonijiet jiġu esklużi minn rikapitalizzazzjoni interna fuq bażi mandatorja jew diskrezzjonali, dik l-esklużjoni ma tirriżultax f'obbligazzjonijiet tal-istess klassi jew ta' klassi aktar għolja li ġġarrab aktar telf milli kieku jġarrbu f'insolvenza, billi dan ikun impediment għar-riżolvibbiltà.

(5)

L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jirrikedju parti mill-MREL imsemmi fl-Artikolu 45(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li għandu jintlaħaq permezz ta' strumenti subordinati ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali, jew billi jiġi stabbilit rekwiżit minimu ogħla, jew permezz ta' miżuri alternattivi biex jiġu indirizzati impedimenti għar-riżoluzzjoni. Jekk ir-riskju ta' ksur tas-salvagwardja ta' “ebda kreditur ma jmur agħar” huwa biżżejjed baxx, l-ebda aġġustament għall-MREL ma huwa meħtieġ.

(6)

Ċerti istituzzjonijiet suġġetti għad-Direttiva 2014/59/UE, b'mod partikolari l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji li huma awtorizzati wkoll bħala istituzzjonijiet ta' kreditu, għandhom mudelli tan-negozju speċjalizzati ħafna u huma soġġetti għal regolamenti addizzjonali, li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġi stabbilit MREL.

(7)

Sabiex tkun żgurata l-konsistenza ma' superviżjoni prudenzjali, il-valutazzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni tad-daqs, il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għandha tqis ir-riżultati ta' rieżami superviżorju u proċess ta' evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ċari għaliex telf f'riżoluzzjoni għandu jiġi evalwat b'mod differenti minn f'negozju avvjat. Meta twettaq r-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni u suġġett għall-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtorità kompetenti għandha tqis il-linji gwida dwar proċeduri u metodoloġiji komuni għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni (EBA/GL/2014/13) maħruġa mill-ABE skont l-Artikolu 107(3) ta' dik id-Direttiva billi tagħmel kull sforz biex tkun konformi ma' dawk il-linji gwida f'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(8)

Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jipprovdu għal arranġamenti għal telf ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni fi strutturi ta' gruppi, inkluż permezz ta' strumenti kapitali jew obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġa mill-istituzzjonijiet lil istituzzjonijiet jew entitajiet oħra fl-istess grupp. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jistabbilixxu MREL konsistentement ma' dawk l-arranġamenti meta dawn ikunu parti integrali mill-istituzzjoni jew mill-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni tal-grupp.

(9)

Biex jiġi żgurat li r-riżolvibbiltà ma tkunx tiddependi fuq l-għoti ta' appoġġ finanzjarju pubbliku u li dik is-sistema ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni tissodisfa l-għan tagħha li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, meta jiġi stabbilit MREL, għandhom iqisu l-kundizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 101(2) tad-Direttiva 2014/59/UE għall-użu ta' arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni b'modi li indirettament jirriżultaw f'parti mit-telf ta' istituzzjoni jew entità li jiġi mgħoddi lil arranġament tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni.

(10)

F'konformità mal-punt(f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw ukoll l-impatt avvers potenzjali ta' falliment ta' istituzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li riżoluzzjoni effettiva ta' istituzzjoni sistemikament importanti ma tkunx prekluża mill-eżawriment ta' telf ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni effettiva tagħha tal-kapaċità kif previst fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, dan ma għandux jirriżulta f'xi tnaqqis jew sostituzzjoni tal-ħtieġa li tiġi żgurata biżżejjed kapaċità ta' assorbiment u ta' rikapitalizzazzjoni tat-telf permezz ta' tniżżil fil-valur u konverżjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli, jew jimplika li l-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni għandu jintuża għal dawn l-għanijiet għajr f'konformità mal-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE u f'kull każ biss sa fejn huwa strettament meħtieġ.

(11)

F'konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw id-daqs potenzjali ta' kontribuzzjonijiet għall-kost ta' riżoluzzjoni mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti billi jistmaw l-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti tista' tikkontribwixxi għalih b'mod fattibbli u kredibbli minflok depożiti koperti, li kieku dawn ġew inklużi fl-ambitu tar-rikapitalizzazzjoni interna. Meta jagħmlu din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li huma u l-istituzzjoni jkunu adottaw il-miżuri raġonevoli u neċessarji kollha li huma konsistenti mal-mudell ta' finanzjament tagħha biex jiġi minimizzat ir-rekwiżit għal kontribuzzjoni mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti. Jekk din il-valutazzjoni tikkonkludi li tali kontribuzzjoni hija probabbli, l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jistgħu jagħżlu li jiffissaw livell aktar baxx ta' MREL. Kwalunkwe tali kontribuzzjoni għandha tirrispetta l-limiti fuq dawn il-kontribuzzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE u għalhekk x'aktarx li jkunu l-aktar rilevanti għall-istituzzjonijiet iffinanzjati primarjament minn depożiti koperti.

(12)

Sabiex tagħti l-istituzzjonijiet jew l-entitajiet li jkunu ġew applikati l-għodod tar-riżoluzzjoni biżżejjed żmien biex jilħqu l-MREL, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżitorju.

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(14)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-iffissar tal-ammont meħtieġ biex jiġi żgurat l-assorbiment tat-telf

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeterminaw l-assorbiment tal-ammont tat-telf li l-istituzzjoni jew il-grupp għandu jkun kapaċi jassorbi.

2.   Għall-għanijiet ta' iffissar tal-assorbiment tal-ammont tat-telf f'konformità ma' dan l-Artikolu u ta' kwalunkwe kontribuzzjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-kostijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 6, l-awtorità ta' riżoluzzjoni, f'konformità mal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, titlob lill-awtorità kompetenti sommarju tar-rekwiżiti kapitali attwalment applikabbli għal istituzzjoni jew grupp, u b'mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-Artikoli 92 u 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li jinkludu:

(i)

proporzjon tal-kapital ta' CET1 ta' 4,5 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(ii)

proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' 6 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(iii)

proporzjon tal-kapital totali ta' 8 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(b)

kwalunkwe rekwiżit għall-kontroll ta' fondi proprji addizzjonali lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti, b'mod partikolari skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

rekwiżiti ta' bafer kombinat kif definit fl-Artikolu 128(6) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(d)

il-minimu ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(e)

kwalunkwe rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti kapitali jiġu interpretati f'konformità mal-applikazzjoni mill-awtorità kompetenti tad-dispożizzjonijiet tranżitorji stabbiliti fil-Kapitoli 1, 2 u 4 tat-Titolu I tal-Għaxar Parti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jeżerċitaw l-għażliet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti b'dak ir-Regolament.

4.   L-assorbiment tat-telf ammont li għandu jiġi determinat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jkun is-somma tar-rekwiżiti msemmija fil-punti (a), (b), u (c) tal-paragrafu 2, jew kwalunkwe ammont ogħla meħtieġ biex tikkonforma mar-rekwiżiti msemmija fil-punti (d) jew (e) tal-paragrafu 2.

5.   l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tistabbilixxi ammont ta' assorbiment tat-telf bl-użu ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

ammont ta' assorbiment ta' telf ugwali għal ammont ta' assorbiment tat-telf f'każ ta' inadempjenza iddeterminat f'konformità mal-paragrafu 4;

(b)

l-ammont ta' assorbiment ta' telf, li jista' jkun jew:

(i)

ogħla mill-ammont ta' assorbiment ta' telf ta' inadempjenza determinat skont il-paragrafu (4) fejn:

il-ħtieġa għall-assorbiment ta' telf f'riżoluzzjoni mhux dejjem hija riflessa b'mod sħiħ fl-ammont ta' assorbiment ta' telf f'każ ta' inadempjenza, meta jittieħed kont tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4; jew

ikun meħtieġ li jitnaqqas jew jitneħħa l-impediment għar-riżolvibbiltà jew li jiġi assorbit it-telf fuq holdings ta' strumenti ta' MREL maħruġa minn entitajiet ta' grupp oħrajn;

(ii)

inqas mill-ammont ta' assorbiment ta' telf minħabba inadempjenza ddeterminat skont il-paragrafu (4) sa fejn, meta jitqiesu l-informazzjoni li jkun irċieva minn awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4:

ir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali msemmija fil-paragrafu 2(b), li ġew stabbiliti fuq il-bażi tar-riżultati ta' testijiet tal-istress jew biex ikopru r-riskji makroprudenzjali, huma vvalutati bħala li mhumiex rilevanti għall-ħtieġa li jiġi żgurat li t-telf jista' jiġi assorbit f'riżoluzzjoni; jew

parti mir-rekwiżit tar-riżerva ta' bafer kombinat imsemmi fil-paragrafu 2(c) tiġi vvalutata mill-awtorità tar-riżoluzzjoni bħala li mhijiex rilevanti għall-ħtieġa li jiġi żgurat li t-telf jista' jiġi assorbit f'riżoluzzjoni.

6.   Meta l-għażla fil-paragrafu 5(b) tiġi applikata, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi spjegazzjoni motivata tal-ammont ta' assorbiment ta' telf li jkun ġie stabbilit, fil-qafas tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 2

L-iffissar tal-ammont meħtieġ biex titkompla l-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni u biex jitwettqu attivitajiet u tiġi sostnuta l-fiduċja tas-suq fl-istituzzjoni

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiffissaw l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni li jkun meħtieġ biex tiġi implimentata l-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta, kif identifikata fil-proċess ta' riżoluzzjoni tal-ippjanar.

2.   Fejn il-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà tikkonkludi li l-likwidazzjoni tal-istituzzjoni fi proċedimenti ta' insolvenza normali hija fattibbli u kredibbli, l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni jkun żero, sakemm l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li ammont pożittiv huwa meħtieġ minħabba li l-likwidazzjoni ma tiksibx l-objettivi tar-riżoluzzjoni sal-istess punt bħal strateġija ta' riżoluzzjoni alternattiva.

3.   Meta ssir stima tal-ħtiġijiet kapitali regolatorji tal-istituzzjoni wara implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tuża l-valuri l-aktar riċenti rrappurtati għall-ammont totali rilevanti ta' skopertura għar-riskju jew id-denominatur tal-proporzjon ta' ingranaġġ, kif applikabbli, sakemm il-fatturi kollha li ġejjin japplikaw:

(a)

il-pjan ta' riżoluzzjoni jidentifika, jispjega u jikkwantifika kwalunkwe bidla fi ħtiġijiet ta' kapital regolatorju immedjatament bħala riżultat ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(b)

il-bidla msemmija fil-punt (a) titqies fil-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà li hija fattibbli u kredibbli mingħajr ma taffettwa ħażin il-provvista ta' funzjonijiet kritiċi mill-istituzzjoni, u mingħajr rikors għal sostenn finanzjarju straordinarju minbarra l-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, b'mod konsistenti mal-Artikolu 101(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-prinċipji li jirregolaw l-użu tagħhom stipulati fil-paragrafi 5 u 8 tal-Artikolu 44 ta' dik id-Direttiva;

4.   Fejn it-tibdiliet imsemmija fil-paragrafu 3 huma dipendenti fuq l-azzjonijiet ta' xerrej tal-assi jew il-linji tan-negozju tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew ta' partijiet terzi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tħejji spjegazzjoni raġunata lill-awtorità kompetenti dwar il-fattibbiltà u l-kredibilità ta' dik il-bidla.

5.   L-ammont ta' rikapitalizzazzjoni jkun mill-inqas ugwali għall-ammont meħtieġ biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kapitali applikabbli meħtieġa għall-konformità mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta.

6.   Ir-rekwiżiti kapitali msemmija fil-paragrafu 5 jinkludu dan li ġej:

(a)

rekwiżiti ta' fondi proprji skont l-Artikoli 92 u 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li jinkludu:

(i)

proporzjon tal-kapital ta' CET1 ta' 4,5 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(ii)

proporzjon tal-kapital ta' Grad 1 ta' 6 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(iii)

proporzjon tal-kapital totali ta' 8 % tal-ammont tal-iskopertura totali tar-riskju;

(b)

kwalunkwe rekwiżit għall-kontroll ta' fondi proprji lil hinn mir-rekwiżit elenkat fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, b'mod partikolari skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

il-minimu ta' Basel I skont l-Artikolu 500 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(d)

kwalunkwe rekwiżit tal-proporzjon ta' ingranaġġ.

7.   L-ammont tar-rikapitalizzazzjoni jinkludi wkoll kwalunkwe ammont addizzjonali li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis neċessarju biex iżżomm biżżejjed fiduċja tas-suq wara r-riżoluzzjoni.

8.   L-ammont ta' inadempjenza addizzjonali jkun daqs ir-rekwiżit ta' bafer kombinat, kif speċifikat fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE li japplika għall-istituzzjoni wara l-applikazzjoni ta' għodod ta' riżoluzzjoni.

L-ammont addizzjonali meħtieġ mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jista' jkun anqas mill-ammont ta' inadempjenza, jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li ammont inferjuri jkun suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta l-kunfidenza fis-suq u tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta' funzjonijiet ekonomiċi kritiċi mill-istituzzjoni u l-aċċess għall-finanzjament mingħajr rikors għal sostenn finanzjarju straordinarju minbarra l-kontribuzzjonijiet minn arranġamenti ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, b'konformità mal-Artikolu 101(2) u l-paragrafi 5 u 8 tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Il-valutazzjoni tal-ammont meħtieġ biex tiġi sostnuta l-fiduċja fis-suq tqis jekk il-pożizzjoni kapitali tal-istituzzjoni wara r-riżoluzzjoni tkunx xierqa meta mqabbla mall-pożizzjoni kapitali kurrenti ta' istituzzjonijiet pari.

9.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tiddetermina, f'konsultazzjoni mal-awtorità kompetenti u meta titqies l-informazzjoni irċevuta mill-awtorità kompetenti dwar il-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju skont l-Artikolu 4, li, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, ikun fattibbli u kredibbli għar-rekwiżiti kollha jew parti minnhom ta' fondi proprji addizzjonali jew rekwiżiti ta' bafer attwalment applikabbli għall-entità li ma japplikawx wara l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' riżoluzzjoni. F'dan il-każ, dik il-parti tar-rekwiżit tista' titwarrab sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tar-rikapitalizzazzjoni.

10.   Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 7 tqis ir-riżorsi kapitali f'entitajiet ta' grupp ieħor li jkunu disponibbli b'mod kredibbli u fattibbli biex isostnu l-fiduċja fis-suq fl-entità wara r-riżoluzzjoni, fil-każ ta' entitajiet li:

(a)

huma sussidjarji ta' grupp suġġett għal MREL ikkonsolidat;

(b)

ikomplu jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni; kif ukoll

(c)

ma jkunux mistennija li jżommu l-fiduċja fis-suq u l-aċċess għal finanzjament fuq bażi individwali wara l-implimentazzjoni tal-istrateġija preferuta ta' riżoluzzjoni.

11.   Fejn l-assi, l-obbligazzjonijiet jew linji tan-negozju tal-istituzzjoni għandhom jinqasmu bejn aktar minn entità waħda wara l-implimentazzjoni ta' strateġija preferuta ta' riżoluzzjoni, referenzi għal ammonti ta' skopertura għar-riskju u r-rekwiżiti kapitali fil-paragrafi minn 1 sa 10 għandhom ikunu mifhuma bħala ammonti aggregati f'dawn l-entitajiet.

Artikolu 3

Esklużjonijiet minn rikapitalizzazzjoni interna jew trasferiment parzjali li huma impediment għar-riżolvibbiltà

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tidentifika kwalunkwe obbligazzjonijiet li ġew esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(2) tad- Direttiva 2014/59/UE jew li huma raġonevolment probabbli li jkunu kompletament jew parzjalment esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 44(3) ta' dik id-Direttiva, jew trasferiti lil riċevitur b'mod sħiħ, bl-użu ta' għodod oħra ta' riżoluzzjoni abbażi tal-pjan ta' riżoluzzjoni.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, jekk kwalunkwe obbligazzjoni li tikkwalifika għall-inklużjoni f'MREL hija identifikata bħala potenzjalment eskluża kompletament jew parzjalment skont il-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiżgura li l-MREL huwa biżżejjed għal għanijiet ta' ammont ta' assorbiment ta' telf determinat skont l-Artikolu 1 u biex jintlaħaq l-ammont ta' rikapitalizzazzjoni determinat skont l-Artikolu 2 mingħajr tniżżil fil-valur jew konverżjoni ta' dawk l-obbligazzjonijiet.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina jekk l-obbligazzjonijiet identifikati skont il-paragrafu 1, humiex ta' importanza ugwali jew inferjuri fil-ġerarkija ta' kredituri f'insolvenza għal kwalunkwe klassi ta' obbligazzjonijiet li tinkludi obbligazzjonijiet li jikkwalifikaw għal inklużjoni f'MREL u, għal kull klassi, jekk l-ammont ta' obbligazzjonijiet identifikati jammontax għal aktar minn 10 % ta' dik il-klassi.

Fejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni tiddetermina li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu jkunu ssodisfati, hija tivvaluta wkoll jekk il-ħtieġa għall-assorbiment ta' telf u għall-kontribuzzjoni għar-rikapitalizzazzjoni li jsir tajjeb għaliha mill-obbligazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, li kieku dawn ma kienux esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna, tistax tiġi ssodisfata minn obbligazzjonijiet li jikkwalifikaw għal inklużjoni f'MREL u li ma jkunux esklużi minn assorbiment ta' telf jew rikapitalizzazzjoni mingħajr ma jinkisru s-salvagwardji tal-kreditur previsti fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni żżomm rekord ta' kull suppożizzjoni, valutazzjoni jew tagħrif ieħor użat biex jiġi ddeterminat li l-MREL jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

Artikolu 4

Il-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju

1.   Għall-iskopijiet tal-punt (d) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE u fil-qafas tal-konsultazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tieħu kunsiderazzjoni informazzjoni riċevuta mill-awtorità kompetenti, inkluż is-sommarju u l-ispjegazzjoni tar-riżultati tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni mwettaq skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE u b'mod partikolari:

(a)

sommarju tal-valutazzjoni ta' kwalunkwe mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni;

(b)

sommarju tal-valutazzjoni ta' jekk il-kapital u l-likwidità miżmuma minn istituzzjoni jiżgurawx kopertura tajba tar-riskji maħluqa mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni;

(c)

informazzjoni dwar kif ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jinqalgħu mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni identifikati għar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni huma riflessi, direttament jew indirettament, fir-rekwiżiti ta' fondi proprji addizzjonali applikati għal istituzzjoni skont il-punt (a) tal-Artikolu 104(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, abbażi tar-riżultati tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta' evalwazzjoni;

(d)

informazzjoni dwar rekwiżiti prudenzjali oħra applikati għal istituzzjoni biex jiġu indirizzati r-riskji u l-vulnerabbiltajiet li jinqalgħu mill-mudell kummerċjali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni identifikati fil-proċess ta' rieżami u evalwazzjoni superviżorja.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi kkunsidrata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni meta hija tagħmel xi aġġustament għall-ammonti ta' assorbiment ta' telf u ta' rikapitalizzazzjoni, kif deskritt fl-Artikolu 1(5) u fl-Artikolu 2(9), sabiex jiġi żgurat li l-MREL aġġustat, jirrifletti b'mod adegwat ir-riskji li jaffettwaw r-riżolvibbiltà li tirriżulta mill-mudell kummerċjali tal-istituzzjoni, il-profil ta' finanzjament u l-profil tar-riskju ġenerali.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni tipprovdi lill-awtorità kompetenti bi spjegazzjoni motivata dwar kif dik l-informazzjoni ġiet ikkunsidrata f'kull tali aġġustament, fil-qafas tal-obbligu tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tikkonsulta lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 45(6) tad- Direttiva 2014/59/UE.

3.   Fil-każ ta' entità jew grupp li huma suġġetti għal rekwiżiti kapitali u prudenzjali skont ir- Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) jew ir- Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), rekwiżiti ta' kapital biss skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiġu kkunsidrati għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti ta' assorbiment u rikapitalizzazzjoni ta' telf f'każ ta' inadempjenza skont l-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament.

L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' taġġusta l-ammont ta' assorbiment tat-telf sabiex jitqiesu l-kontribuzzjonijiet fattibbli u kredibbli għal assorbiment u rikapitalizzazzjoni ta' telf previst minn sorsi speċifiċi meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jew ir-Regolament (UE) Nru 909/2014.

4.   Fil-każ ta' entitajiet li huma sussidjarji ta' grupp suġġett għal MREL ikkonsolidat, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' teskludi mill-valutazzjoni tagħha tal-ammont ta' assorbiment ta' telf u tal-ammont ta' rikapitalizzazzjoni kwalunkwe bafer li huwa stabbilit biss fuq bażi konsolidata.

5.   Fejn awtorità oħra minbarra l-awtorità kompetenti tkun ġiet nominata bħala l-awtorità responsabbli għall-istabbiliment tar-rata tal-bafer kontroċikliku, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità nnominata.

Artikolu 5

Daqs u riskju sistemiku

1.   Għal istituzzjonijiet u gruppi li ġew maħtura bħala G-SIIs jew O-SIIs mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u għal kwalunkwe istituzzjoni oħra li l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis bi probabbiltà raġonevoli li joħolqu riskju sistemiku f'każ ta' falliment u li ma jaqax taħt l-Artikolu 2(2) ta' dan ir-Regolament, l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Meta tinħtieġ deċiżjoni konġunta dwar MREL mill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni hija meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 45 tad- Direttiva 2014/59/UE, għal istituzzjonijiet li ġew maħtura bħala G-SIIs jew O-SIIs mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u l-istituzzjonijiet fi ħdanhom, u għal kwalunkwe istituzzjoni oħra li l-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis raġonevolment probabbli li joħolqu riskju sistemiku f'każ ta' falliment, kwalunkwe aġġustament 'l isfel biex jiġu stmati r-rekwiżiti kapitali wara riżoluzzjoni skont l-Artikolu 2(3) ikun iddokumentat u spjegat fl-informazzjoni pprovduta lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 6

Kontribuzzjonijiet mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti għall-finanzjament ta' riżoluzzjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tnaqqas l-MREL biex jittieħed kont tal-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti hija mistennija li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni preferuta f'konformità mal-Artikolu 109 tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Id-daqs ta' kull tali tnaqqis ikun ibbażat fuq valutazzjoni kredibbli tal-kontribut potenzjali mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti, u mill-inqas:

(a)

ikun inqas minn stima prudenti tat-telf potenzjali li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti kien ikollha ġġarrab, li kieku l-istituzzjoni ġiet xolta skont proċeduri normali ta' insolvenza, filwaqt li titqies il-klassifikazzjoni tal-prijorità tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti skont l-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

ikun inqas mil-limitu fuq kontribuzzjonijiet tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 109(5) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

tqis ir-riskju ġenerali li jiġu eżawriti l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti minħabba li jikkontribwixxu għal diversi fallimenti bankarji jew riżoluzzjonijiet; kif ukoll

(d)

ikun konsistenti ma' kwalunkwe dispożizzjonijiet rilevanti oħra fil-liġi nazzjonali u d-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-awtorità responsabbli għall-iskema ta' garanzija tad-depożiti.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni, wara li tikkonsulta lill-awtorità responsabbli għall-iskema ta' garanzija tad-depożiti, tiddokumenta l-approċċ tagħha fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ġenerali li jiġu eżawriti l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti u tapplika tnaqqis skont il-paragrafu 1, sakemm dak ir-riskju ma huwiex eċċessiv.

Artikolu 7

Valutazzjoni kkombinata ta' MREL

1.   L-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jiżguraw li l-MREL ikun suffiċjenti sabiex jippermetti tnaqqis fil-valur jew konverżjoni ta' ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jikkwalifikaw mill-inqas b'mod indaqs għas-somma ta' assorbiment ta' telf u l-ammonti ta' rikapitalizzazzjoni, kif determinat mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikoli 1 u 2, suġġett għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 3 sa 6.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jesprimu l-MREL ikkalkulat bħala perċentwal tat-total tal-obbligazzjonijiet u tal-fondi proprji tal-istituzzjoni, b'obbligazzjonijiet derivattivi inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet ta' netting tal-kontraparti.

3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistabbilixxu skeda jew proċess għall-aġġornament tal-MREL, filwaqt li jittieħed kont ta':

(a)

il-ħtieġa li jiġi aġġornat l-MREL b'mod parallel mal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

(b)

jekk il-volatilità tal-entità jew tal-obbligazzjonijiet totali tal-grupp u tal-fondi proprji bħala riżultat tal-mudell ta' negozju tagħha x'aktarx tirriżulta fli l-MREL ma jibqax aktar adegwat f'data aktar bikrija.

Artikolu 8

Arranġamenti tranżitorji u post-riżoluzzjoni

1.   B'deroga mill-Artikolu 7, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jiddeterminaw perjodu tranżizzjonali xieraq biex jissodisfaw l-MREL jew istituzzjoni jew entità li għalihom ikunu ġew applikati l-għodda ta' riżoluzzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddeterminaw perjodu tranżitorju xieraq adegwat li jkun qasir kemm jista' jkun. Huma jikkomunikaw ukoll lill-istituzzjoni MREL ippjanat għal kull perjodu ta' 12-il xahar matul il-perjodu tranżitorju. Fi tmiem il-perjodu tranżitorju, l-aħħar MREL ikun ugwali għall-ammont li ġie ddeterminat skont l-Artikolu 7.

3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ma jkunux preklużi milli sussegwentement jirrevedu l-perjodu tranżitorju jew kwalunkwe MREL ippjanat.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(3)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1)

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).


3.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1451

tat-2 ta' Settembru 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

160,3

ZZ

160,3

0707 00 05

TR

116,3

ZZ

116,3

0709 93 10

TR

135,1

ZZ

135,1

0805 50 10

AR

170,1

CL

159,8

MA

157,0

TR

156,0

UY

150,7

ZA

167,8

ZZ

160,2

0806 10 10

EG

168,7

TR

127,7

ZZ

148,2

0808 10 80

AR

149,9

BR

106,9

CL

135,3

CN

98,0

NZ

128,2

US

141,5

ZA

86,0

ZZ

120,8

0808 30 90

AR

90,5

CL

103,0

TR

136,6

ZA

82,9

ZZ

103,3

0809 30 10 , 0809 30 90

TR

130,7

ZZ

130,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

3.9.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 237/12


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1452

tat-2 ta' Settembru 2016

li tikkonċerna ċerti miżuri interim ta' protezzjoni marbuta mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja

(notifikata bid-dokument C(2016) 5708)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-deni Afrikan tal-ħnieżer huwa marda virali infettiva li taffettwa l-popolazzjonijiet tal-ħnieżer domestiċi u salvaġġi u jista' jkollha impatt serju fuq il-profitti tan-negozji tat-trobbija tal-ħnieżer li jisfratta l-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

F'każ ta' tifqigħa tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista' jinxtered ma' rziezet oħra tal-ħnieżer u mal-ħnieżer selvaġġi. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għall-ieħor u għall-pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (3) tistabbilixxi l-miżuri minimi li għandhom jiġu applikati fl-Unjoni għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer. L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jipprevedi t-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-każ ta' tifqigħat ta' dik il-marda, fejn għandhom japplikaw il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Il-Polonja għarrfet lill-Kummissjoni bis-sitwazzjoni preżenti fit-territorju tagħha fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u, b'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE, stabbiliet żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fejn japplikaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni u biex jiġu evitati ostakoli mhux ġustifikati għall-kummerċ imposti minn pajjiżi terzi, jinħtieġ li jiġu deskritti fuq il-livell tal-Unjoni ż-żoni stabbiliti bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza għad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-Polonja, f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(6)

F'Awwissu 2016, seħħet tifqigħa waħda fil-ħnieżer domestiċi fil-powiat moniecki fil-Polonja. Peress li l-Polonja tipprovdi evidenza preliminari li din it-tifqigħa hija marbuta ma' attività umana u li hemm indikazzjonijiet li d-deni Afrikan tal-ħnieżer mhux qed jiċċirkola fil-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni kkonċernati, huma meħtieġa miżuri speċifiċi minbarra dawk stabbiliti mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (4) filwaqt li jitqies li din hija l-ħmistax-il tifqigħa ta' din il-marda fil-ħnieżer tul din is-sena u li dawn it-tifqigħat seħħew f'żoni differenti tal-Polonja li diġà kienu taħt restrizzjoni.

(7)

Sabiex ir-rispons xieraq għal din is-sitwazzjoni isir b'mod effiċjenti u prekawzjonarju, huwa importanti li jiġu stabbiliti miżuri konkreti li jrażżnu l-moviment tal-annimali u l-prodotti tagħhom fiż-żona deskritta fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. Dawn il-miżuri huma ġġustifikati minħabba t-tipoloġija tat-tifqigħat irrappurtati fil-ħnieżer domestiċi u l-kawżi tagħhom.

(8)

Minħabba d-distanzi relattivament kbar bejn it-tifqigħat l-aktar reċenti li l-Polonja provviżorjament qed tattribwixxi għall-fattur uman, flimkien mad-data epidemoloġika u sabiex jiġi evitat li jkun hemm tifqigħat oħrajn, issa huwa meħtieġ u proporzjonat li jiġu koperti reġjuni ferm akbar.

(9)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom jikkonsistu fl-applikazzjoni tal-miżuri previsti mid-Direttiva 2002/60/KE, b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjonijiet stretti dwar il-moviment u t-trasport tal-ħnieżer kif stipulat fl-Artikoli 10 u 11 ta' dik id-Direttiva fiż-żoni deskritti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

(10)

Sabiex iwieġbu b'mod koerenti u b'mod proporzjonat għal dan ix-xenarju epidemjoloġika, il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti flimkien mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/709/UE fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. L-analiżi jeħtieġ li tqis, b'mod partikolari, ir-riżultat tal-investigazzjonijiet dwar informazzjoni preliminari dwar diversi tifqigħat fil-ħnieżer domestiċi notifikati mill-Polonja fl-2016, li tindika li dawn ma kienux marbuta mal-ħnieżer selvaġġi iżda pjuttost mal-attività tal-bniedem, kif ukoll ir-riżultat ta' aktar sorveljanza u informazzjoni epidemjoloġika rilevanti oħra.

(11)

Skont dan, sakemm issir il-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, iż-żoni identifikata bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Polonja għandhom jiġu stipulati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi stabbilit it-tul ta' żmien ta' din ir-regjonalizzazzjoni.

(12)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fil-laqgħa li jmiss tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/60/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-15 ta' Ottubru 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Settembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27).

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta' Ottubru 2014 dwar miżuri ta' kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f'ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).


ANNESS

Il-Polonja

Żoni kif imsemmija fl-Artikolu 1

Data sa meta japplikaw

Żona ta' protezzjoni

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-villaġġ Sanie Dąb lejn in-Nofsinhar fit-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sanie Dąb mal-villaġġ Kołaki Kościelne sa fejn taqsam ix-Xmara Dąb, u jkomplu tul ix-Xmara Dąb lejn ix-Xlokk, imbagħad tul ix-xifer tal-foresta fuq il-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Tybory-Olszewo, imbagħad tul it-triq li tgħaqqad il-villaġġ Tybory-Olszewo mal-villaġġ Tybory-Kamianka, imbagħad tul in-naħa tal-Punent tal-villaġġ Tybory-Kamianka sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Tybory-Kamianka mal-villaġġ Jabłonka Kościelna, imbagħad lejn in-Nofsinhar sal-kanal tal-ilma li jgħaqqad l-Għadira Kamianka max-Xmara Jabłonka, imbagħad tul il-kanal tal-ilma sal-estwarju tiegħu għax-Xmara Jabłonka, imbagħad f'linja dritta lejn in-Nofsinhar sal-konnessjoni tat-triq nru 66 mat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Jabłonka Kościelna mal-villaġġ Miodusy-Litwa;

(b)

min-Nofsinhar — tul it-triq nru 66 fid-direzzjoni lejn il-Punent sa fejn ix-Xmara Jabłonka taqsam it-triq Nru. 66, imbagħad tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-villaġġ Faszcze sax-Xmara Jabłonka, aktar lejn il-Punent tul ix-Xmara Jabłonka sal-fruntiera bejn il-villaġġ Wdziękoń Pierwszy u l-villaġġ Wdziękoń Drugi, u mbagħad f'linja dritta lejn it-Tramuntana sat-triq nru 66, imbagħad tul it-triq nru 66 fil-Punent ta' fejn il-kanal tal-ilma jaqsam it-triq nru 66 fil-linja tal-villaġġ Wdziękoń Pierwszy;

(c)

mill-Punent — lejn it-Tramuntana tul il-kanal tal-ilma sa tarf il-foresta, ikomplu tul il-fruntiera tal-Lvant tar-riżerva “Grabówka” u mbagħad tul il-fruntiera tal-Lvant tal-foresta sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Grabówka mal-villaġġ Wróble-Arciszewo;

(d)

mit-Tramuntana — f'linja dritta lejn il-Lvant sax-Xmara Dąb 'l isfel mill-villaġġ Czarnowo Dąb, imbagħad tul linja dritta lejn il-Lvant tul il-konfini tat-Tramuntana tal-villaġġ Sanie Dąb, sat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sanie Dąb mal-villaġġ Kołaki Kościelne.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mit-Tramuntana — mill-villaġġ Konowały tul it-triq muniċipali sa fejn din taqsam it-triq Szosa Kruszewska, imbagħad mat-triq Szosa Kruszewska tul il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-foresta sal-ħruġ lejn il-villaġġ Kruszewo;

(b)

mill-Punent — madwar il-villaġġ Kruszewo tul il-fruntiera tal-Lvant tal-wied tax-Xmara Narew f'linja mill-villaġġ Waniewo sal-fruntiera mal-powiat wysokomazowiecki;

(c)

min-Nofsinhar — mill-fruntiera tal-powiat wysokomazowiecki tul ix-xatt tal-Punent tal-wied tax-Xmara Narew;

(d)

mil-Lvant — mix-xatt tal-Punent tal-wied tax-Xmara Narew f'linja dritta sa Topilec-Kolonia, u mbagħad f'linja dritta sal-villaġġ Konowały.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mit-Tramuntana — minn fejn taqsam it-triq nru 63 mat-triq li twassal sal-ħabs f'Czerwony Bór, f'liwja fid-direzzjoni tal-villaġġ Polki Teklin u mbagħad 'il fuq minn dan il-villaġġ sa fejn taqsam ix-Xmara Gać lejn il-fruntiera tal-Lvant tal-għadajjar bil-ħut madwar il-villaġġ Poryte Jabłoń;

(b)

mil-Lvant — tul il-fruntiera tal-Lvant tal-għadajjar bil-ħut madwar il-villaġġ Poryte Jabłoń fid-direzzjoni tat-triq li tgħaqqad il-villaġġ Poryte Jabłoń mat-triq nru 66, tul il-fruntiera tal-Punent ta' dan il-villaġġ fid-direzzjoni tat-triq nru 63;

(c)

min-Nofsinhar — fuq it-triq nru 63 'il fuq mill-villaġġ ta' Stare Zakrzewo tul it-triq li tgħaqqad dan il-villaġġ mal-villaġġ Tabędz, imbagħad matul il-fruntieri tal-Punent u tat-Tramuntana ta' dan il-villaġġ;

(d)

mill-Punent — f'linja dritta lejn it-Tramuntana sal-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Bacze Mokre, imbagħad mill-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Bacze Mokre f'linja dritta lejn il-Grigal sa fejn tintlaħaq it-triq li twassal sal-ħabs f'Czerwony Bór, imbagħad tul din it-triq sat-triq nru. 63.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mit-Tramuntana — sal-fruntiera tal-powiat wysokomazowiecki, tul il-kanal tal-ilma Brok Mały sal-villaġġ Miodusy Litwa, tul in-naħa tal-Lbiċ tiegħu; imbagħad mill-fruntiera tal-powiat zambrowski fid-direzzjoni tal-villaġġ Krajewo Białe, tul il-fruntiera tan-Nofsinhar ta' dan il-villaġġ, imbagħad tul it-triq fid-direzzjoni tal-villaġġ Stary Skarżyn;

(b)

mill-Punent — tul il-fruntiera tal-Punent tal-villaġġ Stary Skarżyn sa fejn din taqsam il-kanal tal-ilma Brok Mały, fid-direzzjoni tax-xlokk 'l isfel mill-villaġġ Zaręby-Krztęki sal-fruntieri tal-powiat zambrowski;

(c)

min-Nofsinhar — mill-fruntieri tal-powiat zambrowski tul il-kanal tal-ilma li jagħti lejn il-villaġġ Kaczyn-Herbasy;

(d)

mil-Lvant — tul it-triq li mill-villaġġ Miodusy-Litwa tgħaddi mill-villaġġ Święck-Nowiny.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mit-Tramuntana — min-naħa tan-Nofsinhar tal-villaġġ Kierzki fid-direzzjoni tal-Lvant sat-triq nru 671 'il fuq mill-fruntiera tat-Tramuntana tal-villaġġ Czajki;

(b)

mil-Lvant — mit-triq nru 671 sal-villaġġ Jabłonowo-Kąty, imbagħad fid-direzzjoni tan-Nofsinhar tul ix-xatt tal-Punent tax-Xmara Awissa; imbagħad lejn it-triq Idźki Średnie — Kruszewo-Brodowo minn naħa tal-Punent tal-villaġġ Kruszewo-Brodowo;

(c)

min-Nofsinhar — mit-triq nru 671 fil-linja tal-villaġġ Idźki-Wykno tul it-triq li tgħaqqad il-villaġġ Sokoły mal-villaġġ Jamiołki-Godzieby;

(d)

mill-Punent — mill-villaġġ Jamiołki-Godzieby tul ix-xatt tal-Lvant tax-Xmara Ślina sal-villaġġ Jamiołki-Kowale, imbagħad lejn it-tramuntana mill-villaġġ Stypułki-Borki sat-triq Kierzki — Czajki fin-naħa tal-Lvant tal-villaġġ Kierzki.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

Mil-Lvant — mill-fruntiera tal-belt ta' Bielsk Podlaski, Triq Adam Mickiewicz, tul il-periferija tal-Lvant tal-belt Bielsk Podlaski;

(b)

min-Nofsinhar — tul il-periferija tan-Nofsinhar tal-belt Bielsk Podlaski sal-villaġġ Piliki, inkluż il-villaġġ Piliki, u jkomplu f'linja dritta sat-triq nru 66;

(c)

mill-Punent — mit-triq nru 66 fid-direzzjoni tal-periferija tal-Punent tal-villaġġ Augustowo, inkluż il-villaġġ Augustowo, mill-villaġġ Augustowo f'linja dritta mill-intersezzjoni ferrovjarja mat-triq lokali nru. 1575B;

(d)

mit-Tramuntana — mill-intersezzjoni tal-linja ferrovjarja mat-triq lokali nru 1575B tul il-periferija tat-Tramuntana tal-belt Bielsk Podlaski sal-fruntiera tal-belt Bielsk Podlaski, Triq Adam Mickiewicz.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mix-xmara Bug tul il-fruntiera ma' województwo lubelskie sat-triq distrettwali nru 2007 W;

(b)

min-Nofsinhar — tul it-triq distrettwali nru 2007 W flimkien mal-villaġġ kollu ta' Borsuki u ż-żona forestali fil-liwja tax-xmara Bug;

(c)

mit-Tramuntana u l-Punent — ix-xmara Bug.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — tul il-fruntiera statali mal-Belarussja mix-xmara Bug sal-linja taż-żona forestali;

(b)

mit-Tramuntana — tul il-linja taż-żona forestali mill-fruntiera statali sat-triq li tgħaqqad l-irħula Sutno u Niemirów, imbagħad matul din it-triq sal-intersezzjoni mat-triq lokali fid-direzzjoni tan-Nofsinhar;

(c)

mill-Punent — tul it-triq lokali fid-direzzjoni tan-Nofsinhar mill-intersezzjoni mat-triq li tgħaqqad l-irħula Sutno u Niemirów sal-linja tax-xmara Bug;

(d)

min-Nofsinhar — tul il-linja tax-xmara Bug minn tmiem it-triq lokali li tibda fl-intersezzjoni mat-triq Sutno — Niemirów sal-fruntieri statali.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mill-estwarju tax-xmara Czyżówka f'linja dritta sax-xmara Bug fid-direzzjoni tat-Tramuntana;

(b)

mit-Tramuntana — tul ix-xmara Bug sal-fruntiera ma' województwo mazowieckie;

(c)

mill-Punent — mix-xmara Bug fid-direzzjoni tan-Nofsinhar matul it-triq mhix iċċangata sat-tarf tat-Tramuntana tal-foresta Las Konstantynowski, imbagħad sat-triq Gnojno — Konstantynów u tul din it-triq fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sat-tarf tan-Nofsinhar tal-foresta, imbagħad tul it-triq mhix iċċangata fid-direzzjoni tal-Lvant lejn il-villaġġ Witoldów u mbagħad sat-triq Konstantynów — Janów Podlaski;

(d)

min-Nofsinhar — tul it-triq Konstantynów — Janów Podlaski fid-direzzjoni tal-lvant tax-xmara Czyżówka.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mir-raħal ta' Stara Bordziłówka tul it-triq lokali fid-direzzjoni tat-Tramuntana, sal-intersezzjoni tat-toroq distrettwali nru 1022 u 1025, imbagħad matul it-triq nru 1025 sar-raħal ta' Nosów;

(b)

mit-Tramuntana — mir-raħal ta' Nosów tul it-triq distrettwali nru 1024 fid-direzzjoni tal-Punent sal-fruntiera ma' województwo mazowieckie;

(c)

mill-Punent — tul il-fruntiera mal-województwo mazowieckie sat-triq lokali f'linja tar-raħal Wygnanki;

(d)

min-Nofsinhar — mill-fruntiera mal-województwo mazowieckie f'linja tar-raħal Wygnanki sat-triq lokali fid-direzzjoni tat-tarf tal-Punent tal-foresta, imbagħad tul it-triq lokali fuq il-fruntiera tat-Tramuntana tal-foresta sat-triq lokali fid-direzzjoni tar-raħal ta' Stara Bordziłówka.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant u n-Nofsinhar — mill-fruntiera mal-województwo lubelskie mit-triq lokali li tgħaqqad l-irħula ta' Makarówka u Cełujki, tul il-fruntiera mal-województwo lubelskie sat-triq distrettwali nru 2020 W, u imbagħad tul din it-triq nru 2020 W sal-intersezzjoni mat-triq reġjonali nru 698 fir-raħal ta' Wólka Nosowska, inkluż ir-raħal kollu ta' Wólka Nosowska;

(b)

mill-Punent — mill-fruntiera mal-województwo lubelskie tul it-triq lokali li tgħaqqad l-irħula ta' Cełujki u Makarówka mar-raħal ta' Makarówka, inkluż ir-raħal kollu ta' Makarówka, imbagħad aktar 'il quddiem fid-direzzjoni tal-Majjistral tul it-triq distrettwali nru 2037 W sar-raħal ta' Huszlew, inkluż ir-raħal kollu ta' Huszlew, imbagħad mir-raħal ta' Huszlew tul it-triq distrettwali nru 2034 W sa tmiem il-foresta, imbagħad fid-direzzjoni tal-Lvant tul il-fruntiera tat-Tramuntana tal-foresta, sal-fruntiera tal-Lvant tal-gmina Huszlew, imbagħad fid-direzzjoni tat-Tramuntana tul il-fruntiera tal-Punent tal-foresta sat-triq reġjonali nru 698;

(c)

mit-Tramuntana — tul it-triq reġjonali nru 698 minn ġor-raħal ta' Rudka sar-raħal ta' Stara Kornica, inkluż l-irħula ta' Rudka, Stara Kornica u Nowa Kornica, imbagħad tul it-triq reġjonali nru 698 sal-intersezzjoni mat-triq distrettwali nru 2020 W fir-raħal ta' Wólka Nosowska.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — tul il-fruntiera statali: mit-triq nru 640 sal-linja tar-raħal ta' Kolonia Klukowicze,

(b)

mit-Tramuntana — mill-fruntiera statali tul it-triq Kolonia Klukowicze — Witoszczyzna, sat-triq Wilanowo — Werpol,

(c)

mill-Punent — tul it-triq Werpol — Wilanowo sat-triq nru 640 f'linja tal-intersezzjoni mat-triq Koterka — Tokary,

(d)

min-Nofsinhar — mir-raħal ta' Koterka tul it-triq nru 640 sal-fruntiera statali.

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mir-raħal ta' Wólka Nurzecka f'linja dritta fid-direzzjoni tal-fruntiera tal-powiat siemiatycki, imbagħad tul il-fruntiera tal-powiat siemiatycki sax-xmara Pulwa,

(b)

min-Nofsinhar — tul ix-xatt tat-Tramuntana tax-xmara Pulwa fid-direzzjoni tar-raħal ta' Litwinowicze, imbagħad mir-raħal ta' Litwinowicze tul it-triq fid-direzzjoni tar-raħal Anusin sas-sors tax-Xmara Pulwa,

(c)

mill-Punent — mit-triq Litwinowicze — Anusin (f'linja tas-sors tax-xmara Pulwa) dritt fid-direzzjoni tal-Majjistral sar- raħal ta' Siemichocze, imbagħad mill-intersezzjoni tat-toroq Anusin — Siemichocze fid-direzzjoni tat-Tramuntana sat-triq Tymianka — Nurzec, f'salib it-toroq 1 km 'il bogħod mir-raħal ta' Nurzec Kolonia,

(d)

mit-Tramuntana — mit-triq Tymianka — Nurzec f'linja dritta sar-raħal ta' Wólka Nurzecka,

Il-konfini ta' din iż-żona ta' protezzjoni huma kif ġej:

(a)

mil-Lvant — mir-raħal ta' Kolonia Budy f'linja dritta sar-raħal ta' Sokoli Gród, imbagħad f'direzzjoni tan-Nofsinhar sat-toroq lokali li jgħaqqdu l-irħula ta' Kulesze u Wilamówka;

(b)

min-Nofsinhar — tul it-triq lokali sar-raħal ta' Wilamówka, imbagħad f'linja dritta fid-direzzjoni tal-Punent, sar-raħal ta' Olszowa Droga;

(c)

mill-Punent — tul ix-xatt tal-Lvant tax-xmara Biebrza fid-direzzjoni tat-Tramuntana sal-fruntiera tan-Nofsinhar tal-kumpless Osowiec Twierdza;

(d)

mit-Tramuntana — mill-fruntiera tan-Nofsinhar tal-kumpless Osowiec Twierdza tul it-triq Carska Droga, imbagħad fid-direzzjoni tal-Lbiċċ sar-raħal ta' Kolonia Budy.

Il-15 ta' Ottubru 2016

Żona ta' sorveljanza

Iż-żona indikata hawn taħt:

 

Fil-województwo podlaskie:

il-powiat hajnówka,

il-powiat białostocki,

il-powiat bielski,

il-powiat grajewski,

il-powiat łomżyński,

il-powiat M. Białystok,

il-powiat M. Łomża,

il-powiat moniecki,

il-powiat wysokomazowiecki,

il-powiat zambrowski.

 

Fil-województwo mazowieckie:

il-gminy ta' Rzekuń, Troszyn, Czerwin u Goworowo fil-powiat ostrołęcki,

il-gminy ta' Korczew, Przesmyki, Paprotnia, Suchożebry, Mordy, Siedlce u Zbuczyn fil-powiat siedlecki,

il-powiat M. Siedlce,

il-gminy ta' Ceranów, Jabłonna Lacka, Sterdyń u Repki fil-powiat sokołowski,

il-powiat łosicki,

il-powiat ostrowski.

 

Fil-województwo lubelskie:

il-powiat bialski.

Il-15 ta' Ottubru 2016