ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 184

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
8 ta' Lulju 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1075 tat-23 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru u l-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni ( 1 )

1

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

8.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1075

tat-23 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru u l-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(10), l-Artikolu 6(8), l-Artikoli 10(9), 12(6), 15(4), 23(2), 36(14), 55(3), 82(3) u 88(7) tagħha,

Billi:

(1)

Id-dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament huma marbutin mill-qrib ma' xulxin, peress li jittrattaw il-qafas tar-riżoluzzjoni stabbilit mid-Direttiva 2014/59/UE mill-istadju ta' ppjanar tal-irkupru u riżoluzzjoni ta' istituzzjoni, permezz tal-fażi ta' intervent bikri, sa ma jasal żmien l-azzjoni ta' riżoluzzjoni. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin u sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' riżoluzzjoni, hemm bżonn li l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet u l-parteċipanti fis-suq, inklużi l-investituri li mhumiex residenti tal-Unjoni, ikollhom viżjoni globali u aċċess kompatt għall-obbligi u d-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant, xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti meħtieġa mid-Direttiva 2014/59/UE jkunu inklużi f'Regolament wieħed.

(2)

Minbarra d-definizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE, hemm bżonn ta' xi definizzjonijiet speċifiċi għat-termini tekniċi użati.

(3)

Ir-regoli uniformi dwar l-informazzjoni minima li trid tiddaħħal fil-pjanijiet ta' rkupru għandhom iqisu, iżda mhux jipprekludu, is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeterminaw obbligi ssimplifikati għal ċerti istituzzjonijiet rigward il-kontenuti u d-dettalji tal-pjanijiet ta' rkupru, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(4)

Dawn ir-regoli uniformi għandhom jispeċifikaw ukoll, mingħajr ħsara għal kwalunkwe obbligu ssimplifikat stabbilit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-informazzjoni li trid tkun fi pjan ta' rkupru individwali u, skont l-Artikolu 7(5) u (6) ta' dik id-Direttiva, fi pjan ta' rkupru tal-grupp.

(5)

Huwa essenzjali li l-informazzjoni inkluża fil-pjanijiet ta' rkupru tkun adegwata u speċifika, skont jekk il-pjanijiet ta' rkupru humiex imfasslin minn istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni kkonsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), jew huma pjanijiet ta' rkupru individwali, kif stipulat fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew pjanijiet ta' rkupru tal-grupp, kif stipulati fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-istruttura interna tal-pjanijiet ta' rkupru, ir-rekwiżiti ta' informazzjoni għandhom jitqiegħdu fi grupp wieħed taħt għadd ta' taqsimiet, li wħud minnhom għandhom jinqasmu f'subtaqsimiet kif stipulat f'dan ir-Regolament.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ta' rkupru jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod effettiv, jekk ikun hemm bżonn, meta jasal iż-żmien, huwa essenzjali li dawk il-pjanijiet jinbnew fuq struttura ta' governanza solida. Għaldaqstant, il-pjanijiet ta' rkupru għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' governanza speċifiċi involuti. B'mod partikolari, pjan għandu jistabbilixxi kif ġie żviluppat, min approvah, u kif inhu integrat fil-governanza korporattiva ġenerali tal-istituzzjoni jew tal-grupp. Meta dan ikun relevanti, għandhom ikunu deskritti l-miżuri meħudin sabiex tiġi żgurata konsistenza bejn pjan ta' rkupru individwali ta' sussidjarja, jekk applikabbli, u l-pjan ta' rkupru tal-grupp.

(8)

Il-pjanijiet ta' rkupru huma kruċjali għall-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-alternattivi tal-irkupru. Għaldaqstant, pjan ta' rkupru għandu jkun fih informazzjoni dettaljata dwar il-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-attivazzjoni tiegħu bħala element essenzjali tal-istruttura ta' governanza, fuq il-bażi ta' proċess ta' eskalazzjoni bl-użu ta' indikaturi skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2014/59/UE. Peress li kull kriżi hija differenti, il-materjalizzazzjoni ta' indikatur ma tattivax b'mod awtomatiku għażla ta' rkupru speċifika jew, b'mod iktar ġenerali, tniedi qafas awtomatizzat li bih għażla ta' rkupru partikolari jkollha tiġi implimentata skont rekwiżiti proċedurali predeterminati. Minflok, l-indikaturi għandhom jintużaw sabiex jindikaw li għandu jitnieda proċess ta' eskalazzjoni, li jinvolvi analiżi tal-aħjar mod kif tiġi indirizzata sitwazzjoni ta' kriżi. Qabel ma jimmaterjalizzaw dawn l-indikaturi, id-dejta u l-parametri referenzjarji użati fl-immaniġġar regolari tar-riskju għandhom jiġu applikati wkoll sabiex l-istituzzjoni jew il-grupp ikunu infurmati dwar ir-riskju ta' deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u dwar l-indikaturi li jkunu qed jiġu attivati. Filwaqt li t-tali sinjali ta' twissija bikrin mhumiex indikaturi skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/59/UE u, b'hekk, ma jindikawx dħul fil-fażi ta' rkupru jew jeħtieġu eskalazzjoni barra l-proċessi tas-soltu, jgħinu sabiex jiżguraw konsistenza bejn l-immaniġġar tar-riskju regolari tal-istituzzjoni u l-monitoraġġ tal-indikaturi. Għaldaqstant, il-pjan ta' rkupru għandu jkun fih deskrizzjoni ta' kif l-elementi xierqa tal-immaniġġar tar-riskju tal-istituzzjoni huma marbutin mal-indikaturi.

(9)

L-analiżi strateġika għandha tqis standards internazzjonali għal pjanijiet ta' rkupru bħall-“Key Attributes of Effective Resolution Regimes for Financial Institutions” (“Il-Karatteristiċi Ewlenin tar-Reġimi Effettivi ta' Riżoluzzjoni għall-Istituzzjonijiet Finanzjarji”) tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja. Skont il-Karatteristiċi Ewlenin, l-analiżi strateġika għandha tidentifika l-funzjonijiet essenzjali u sistemikament importanti tal-istituzzjoni u tistabbilixxi l-passi ewlenin sabiex jinżammu f'xenarji ta' rkupru. Kif xieraq, l-analiżi strateġika għandha tkun maqsuma f'żewġ partijiet. L-ewwel parti tal-analiżi strateġika għandha tiddeskrivi l-istituzzjoni jew il-grupp u l-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom. Id-deskrizzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp għandha tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istituzzjoni jew il-grupp u l-attivitajiet tagħhom, flimkien ma' deskrizzjoni dettaljata tal-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-għażliet ta' rkupru bħal divestimenti u bejgħ ta' linji operatorji, importanti li jiġu identifikati l-entitajiet ġuridiċi fejn jinsabu l-linji operatorji ewlenin u l-funzjonijiet kritiċi, u li tiġi analizzata l-interkonnettività fil-grupp. Skont l-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet huma meħtieġa juru għas-sodisfazzjoni tal-awtorità kompetenti li huwa raġonevolment probabbli li l-pjan ta' rkupru jiġi implimentat bla ma jikkaġuna xi effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/59/UE jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jevalwaw il-punt sa fejn il-pjan ta' rkupru, jew l-għażliet speċifiċi fih, jista' jiġi implimentat bla ma jikkaġuna ebda effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-pjanijiet ta' rkupru għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-interkonnettività esterna.

(10)

It-tieni parti tal-analiżi strateġika għandha tidentifika u tivvaluta l-għażliet ta' rkupru possibbli. L-għażliet ta' rkupru disponibbli għall-istituzzjoni jew il-grupp għandhom ikunu deskritti għall-ewwel mingħajr referenza għal xenarji speċifiċi ta' stress finanzjarju. Dawn huma mezz kif tissaħħaħ il-prontezza ġenerali għal kriżi u kif l-istituzzjoni jew il-grupp ikunu megħjuna sabiex jirreaġixxu b'mod flessibbli għal kriżi. Imbagħad, l-analiżi strateġika għandha tistabbilixxi kif ġew ittestjati l-għażliet ta' rkupru kontra xenarji speċifiċi ta' stress finanzjarju sabiex jiġi vvalutat b'mod tentattiv liema għażliet ta' rkupru jkunu effiċjenti f'kull wieħed minn dawn ix-xenarji, u b'hekk jiġi pprovdut test prattiku tal-effiċjenza tal-għażliet ta' rkupru u tal-adegwatezza tal-indikaturi. L-għażliet ta' rkupru għandhom jinkludu miżuri li jistgħu jittieħdu mill-istituzzjoni meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal intervent bikri skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(11)

Il-komunikazzjoni tal-pjan ta' rkupru hija kruċjali sabiex jiġi implimentat b'mod effetti u jiġu evitati effetti avversi fuq is-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, pjan ta' rkupru għandu jkun fih ukoll Taqsima dwar il-komunikazzjoni u d-divulgazzjoni sabiex jindirizza kemm il-komunikazzjoni interna lill-korpi interni rilevanti u l-persunal tal-istituzzjoni jew tal-grupp, kif ukoll il-komunikazzjoni esterna.

(12)

Pjan ta' rkupru jista' jimplika bidliet fl-organizzazzjoni kummerċjali tal-istituzzjoni, jew sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġornament tal-pjan u l-implimentazzjoni tiegħu fil-ġejjieni, sabiex jiġu ssorveljati l-indikaturi, jew għaliex il-proċess ikun identifika xi impedimenti li kkomplikaw l-implimentazzjoni tal-għażliet ta' rkupru. Dawk l-azzjonijiet preparatorji u ta' segwitu organizzazzjonali li jridu jittieħdu mill-istituzzjoni jew mill-grupp għandhom jiġu deskritti fil-pjan ta' rkupru sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni effettiva ta' jekk l-implimentazzjoni tiegħu hijiex raġonevolment probabbli, u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu mill-istituzzjoni jew mill-grupp, u mill-awtoritajiet kompetenti.

(13)

Huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-kriterji minimi li awtorità kompetenti trid tqis meta tivvaluta l-pjanijiet ta' rkupru mfasslin mill-istituzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(14)

L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jagħti s-setgħa lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) sabiex toħroġ linji gwida ħalli tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni u jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-istituzzjonijiet finanzjarji li lilhom huma indirizzati dawn il-linji gwida jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mat-tali linji gwida. Peress li d-Direttiva 2014/59/UE tawtorizza lill-EBA sabiex toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, sabiex tispeċifika iktar ċerti aspetti tad-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu b'konformità ma' dak l-Artikolu l-linji gwida dwar ix-xenarji għall-ippjanar tal-irkupru u l-indikaturi li jridu jiddaħħlu fil-pjanijiet ta' rkupru maħruġin mill-EBA billi jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma' dawk il-linji gwida skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(15)

L-objettiv tal-ippjanar tal-irkupru, kif stipulat fid-Direttiva 2014/59/UE, huwa li jidentifika l-għażliet għaż-żamma jew ir-restawr tal-vijabilità u l-pożizzjoni finanzjarja ta' istituzzjoni jew grupp meta jkunu soġġetti għal stress serju. Għaldaqstant, il-kriterji għall-valutazzjoni ta' pjan ta' rkupru għandhom jiżguraw li l-pjan ikun xieraq għall-entitajiet li jkopri u li l-pjan u l-għażliet identifikati fih ikunu vijabbli u jistgħu jiġu implimentati meta jasal iż-żmien. Il-kwistjonijiet eżatti li jridu jiġu vvalutati mill-awtorità kompetenti se jiddependu mill-kontenut u l-firxa tal-pjan ta' rkupru. Ir-regoli uniformi dwar il-kriterji minimi li jridu jiġu vvalutati għandhom ikunu stabbiliti sabiex iqisu l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li jimponu obbligi ssimplifikati għal ċerti istituzzjonijiet rigward il-kontenuti u d-dettalji tal-pjanijiet ta' rkupru, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(16)

Meta dan ikun xieraq, għandhom jiġu speċifikati kriterji oħrajn li japplikaw għall-valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp sabiex jirriflettu r-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti fid-Direttiva 2014/59/UE li japplikaw għat-tali pjanijiet.

(17)

Il-pjanijiet ta' rkupru għandhom ikunu kompluti u jinkludu l-informazzjoni kollha li teħtieġ id-Direttiva 2014/59/UE, inklużi l-elementi ulterjuri speċifikati f'dan ir-Regolament. Il-pjanijiet għandhom ikunu komprensivi wkoll, u jinkludu biżżejjed dettall u firxa ta' għażliet għaċ-ċirkustanzi tal-entità jew l-entitajiet li jkopru.

(18)

Ir-rekwiżiti għall-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom iqisu l-ħidma li tkun qed ssir sabiex jiġu koordinati dawn l-iżviluppi f'livell globali permezz tal-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja.

(19)

L-istandards għall-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom ikunu flessibbli biżżejjed sabiex iqisu ċ-ċirkustanzi tal-istituzzjoni jew tal-grupp li jkunu qed jiġu kkunsidrati, sabiex jiġi żgurat li l-pjanijiet ikunu mmirati u siewja għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' riżoluzzjoni.

(20)

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jivvalutaw jekk il-likwidazzjoni fil-proċeduri normali ta' insolvenza tistax tilħaq b'mod kredibbli u fattibbli l-objettivi tar-riżoluzzjoni. Biex jagħmlu dan, jaf ikollhom bżonn jisfruttaw il-kompetenza relevanti tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti. Il-valutazzjoni ta' jekk il-likwidazzjoni hijiex fattibbli u kredibbli ma teskludix il-bżonn li jiġi vvalutat jekk l-objettivi tar-riżoluzzjoni humiex sejrin jinkisbu bl-istess mod bil-likwidazzjoni fil-proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza, inkluż dak li titnaqqas kemm jista' jkun id-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju straordinarju.

(21)

Il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà hija proċess iterattiv u possibbli biss fuq il-bażi ta' strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta identifikata. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkonkludu fi tmiem il-proċess li strateġija emendata jew differenti għalkollox hija iktar adattata.

(22)

Il-varjanti tal-istrateġija ppreferuta għandhom jiġu kkunsidrati wkoll sabiex jitqiesu ċ-ċirkustanzi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta, bħal meta strateġija ta' punt uniku ta' dħul li tuża l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna ma tibqax fattibbli iktar jekk it-telf jisboq l-obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġin mill-entità prinċipali.

(23)

L-istandards għall-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom jippermettu strateġija ta' riżoluzzjoni bbażata fuq wieħed mill-approċċi stilizzati pprovduti mill-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja u msemmijin fil-premessa (80) tad-Direttiva 2014/59/UE. Jiġifieri, l-istrateġiji ta' riżoluzzjoni jistgħu jinvolvu awtorità ta' riżoluzzjoni waħda li tapplika l-għodod ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-kumpanija holding jew prinċipali ta' grupp (punt uniku tad-dħul), jinvolvu iktar minn awtorità ta' riżoluzzjoni waħda li tapplika l-għodod ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' iktar minn subgrupp jew entità reġjonali jew funzjonali individwali fi grupp transfruntier (punt multiplu tad-dħul); jew jistgħu jgħaqqdu aspetti tat-tnejn.

(24)

Fi kwalunkwe każ, l-ippjanar tar-riżoluzzjoni u u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandhom iqisu kwalunkwe azzjoni ta' appoġġ meħtieġ mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għajr dawk li jieħdu azzjoni ta' riżoluzzjoni, pereżempju bil-forniment ta' informazzjoni, il-forniment issoktat ta' servizzi kondiviżi kritiċi, jew deċiżjonijiet li ma titteħdidx azzjoni ta' riżoluzzjoni, filwaqt li jitqies id-dritt ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni oħrajn li jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess jekk ikun hemm bżonn sabiex jiksbu l-istabbiltà finanzjarja domestika fin-nuqqas ta' azzjoni effettiva mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ewlenin.

(25)

It-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE tispeċifika għadd ta' kwistjonijiet li jridu jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' istituzzjoni jew grupp, iżda mhijiex eżawstiva u teħtieġ li tiġi speċifikata iktar.

(26)

Skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2014/59/UE, azzjoni ta' riżoluzzjoni għandha tittieħed biss meta l-istralċ ta' istituzzjoni jew grupp fi proċedimenti normali ta' insolvenza ma jkunx fl-interess pubbliku, u għalhekk il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà għandha tikkunsidra t-tali stralċ bħala alternattiva għall-azzjoni ta' riżoluzzjoni.

(27)

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi bosta kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex istituzzjoni prinċipali, istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni u ċerti entitajiet oħrajn fi grupp u s-sussidjarji tagħhom fi Stati Membri jew pajjiżi terzi oħrajn li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji, fuq il-bażi ta' ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp ipprovdut fil-Kapitolu III ta' dik id-Direttiva, sabiex jipprovdu appoġġ finanzjarju fil-forma ta' self, forniment ta' garanziji jew assi għall-użu bħala kollateral lil entità oħra tal-grupp li tissodisfa l-kundizzjonijiet għal intervent bikri. Skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità kompetenti tal-entità tal-grupp li tipprovdi l-appoġġ tista' tipprojbixxi jew tillimita l-forniment tal-appoġġ finanzjarju.

(28)

Fir-rigward tad-diffikultajiet finanzjarji tal-entità riċeventi u l-kundizzjoni li jrid ikun hemm prospett raġonevoli li l-appoġġ finanzjarju jirrimedja dawn id-diffikultajiet finanzjarji, għandha ssir analiżi dettaljata tal-ħtiġijiet ta' kapital u likwidità tal-entità riċeventi u analiżi tal-kawżi interni u esterni għad-diffikultajiet finanzjarji u tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-imgħoddi, fil-preżent u fil-ġejjieni. Din l-analiżi għandha tinkludi miżuri ppjanati għall-indirizzar tal-kawżi tal-problemi tal-entità riċeventi li jistgħu jgħinu b'mod effiċjenti fir-restawr tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha.

(29)

Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet varji hija r-responsabbiltà tal-entità li tipprovdi l-appoġġ (l-entità provditur) u tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-istituzzjoni provditur. Il-valutazzjoni għandha tqis ir-riskju ta' żviluppi avversi potenzjali. Għal valutazzjoni komprensiva tal-kundizzjonijiet li huma marbutin mal-entità provditur, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità provditur għandha tqis ukoll l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità fil-grupp li tirċievi l-appoġġ finanzjarju.

(30)

Il-kundizzjoni li t-termini tal-forniment huma konformi mal-Artikolu 19(7) tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tqis ir-riskju ta' inadempjenza tal-entità riċeventi u t-telf għall-entità provditur fid-dawl ta' inadempjenza tal-entità riċeventi, fuq il-bażi ta' paragun tas-sitwazzjonijiet wara l-appoġġ jew, rispettivament, mingħajr l-għoti tagħha, u wara divulgazzjoni sħiħa tal-informazzjoni rilevanti. Dawk it-termini għandhom jirriflettu l-aħjar interess tal-entità provditur kif deskritt fil-punt (b) tal-Artikolu 19(7), li jistipula li jista' jiġi kkunsidrat kwalunkwe benefiċċju dirett jew indirett li jista' jkun dovut lil parti minħabba l-forniment tal-appoġġ finanzjarju. Dan għandu jiġi vverifikat permezz ta' analiżi dettaljata tal-kostijiet u l-benefiċċji għall-entità provditur u l-grupp kollu kemm hu f'dawn iż-żewġ xenarji.

(31)

Il-ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju u l-forniment tal-appoġġ finanzjarju lill-grupp jistgħu jtejbu r-riżolvibbiltà ta' grupp, pereżempju jekk ikunu konformi mal-mekkaniżmu ta' assorbiment tat-telf ipprovdut mill-istrateġija ta' riżoluzzjoni. Madankollu, jistgħu jxekklu wkoll il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula, pereżempju jekk dik l-istrateġija tipprevedi separazzjoni tal-partijiet differenti tal-grupp. Għaldaqstant, il-valutazzjoni tal-impatt fuq ir-riżolvibbiltà għandha tkun imsejsa fuq il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, fuq il-pjan ta' riżoluzzjoni individwali, u, fejn applikabbli, fuq il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp kif stipulat mid-deċiżjoni konġunta tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni.

(32)

Meta jwettqu l-kompiti ta' valutazzjoni tagħhom għall-finijiet tal-Artikolu 36, inkluż l-Artikolu 49(3), u l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/59/UE, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-valutaturi indipendenti ma jkunux qed jiġu influwenzati, u ma jkunux perċepiti bħala influwenzati, mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew mill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva.

(33)

Għaldaqstant, ir-regoli uniformi għandhom japplikaw sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi li fihom persuna titqies bħala indipendenti mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u mill-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu rekwiżiti dwar il-kompetenza u r-riżorsi tal-persuna kkonċernata u r-rabta tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u mal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(34)

L-indipendenza tista' tkun imsaħħa minn kundizzjonijiet li jiżguraw l-adegwatezza tal-kompetenza u r-riżorsi tal-valutatur indipendenti. B'mod iktar speċifiku, għandu jkun żgurat li l-valutatur indipendenti jkollu l-kwalifiki, l-għarfien u l-kompetenza meħtieġa fis-suġġetti relevanti kollha, b'mod partikolari l-valwazzjoni u l-kontabbiltà fil-kuntest tal-industrija bankarja. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti jkollu biżżejjed riżorsi umani u tekniċi, jew ikollu aċċess għalihom, sabiex jagħmel il-valutazzjoni. Għal dan il-għan, jista' jkun xieraq li jiġu aċċessati biżżejjed riżorsi umani u tekniċi billi jitqabbdu membri tal-persunal jew kuntratturi mingħand speċjalisti oħrajn fil-valwazzjoni jew mingħand kumpaniji tas-servizzi legali jew sorsi oħrajn, b'rabta mat-twettiq tal-valwazzjoni. Meta jitqabbdu membri tal-persunal jew kuntratturi sabiex jappoġġaw it-twettiq tal-valwazzjoni, dawn għandhom ikunu soġġetti għal verifika ta' kunflitti ta' interess sabiex jiġi żgurat li l-indipendenza tagħhom ma tkunx imxekkla. Fil-każijiet kollha, il-valutatur indipendenti għandu jibqa' responsabbli mill-eżitu tal-valwazzjoni.

(35)

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti huwa kapaċi jwettaq il-valwazzjoni b'mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti oħra, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) jew l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Madankollu, l-għoti tal-istruzzjonijiet jew il-gwida meħtieġa sabiex jiġi sostnut it-twettiq tal-valwazzjoni, pereżempju b'rabta mal-metodoloġija pprovduta skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-valwazzjoni għall-finijiet marbutin mar-riżoluzzjoni, ma għandux jitqies li jikkostitwixxi dipendenza żejda meta t-tali struzzjonijiet ikunu, jew il-gwida tkun, meħtieġa għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni. Barra minn hekk, l-għoti ta' assistenza, bħall-forniment mill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata s-sistemi, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji, ir-rapporti regolatorji, dejta dwar is-suq, rekords oħrajn jew assistenza oħra lill-valutatur indipendenti ma għandhomx ikunu preklużi meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew xi awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dan jitqies li huwa neċessarju għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni. Skont kwalunkwe proċedura li tista' tkun implimentata, il-forniment ta' struzzjonijiet, gwida u forom oħrajn ta' appoġġ għandu jkun miftiehem fuq il-bażi ta' każ b'każ jew b'mod raggruppat.

(36)

Il-ħlas ta' remunerazzjoni raġonevoli u r-rimborż tal-ispejjeż raġonevoli b'rabta mal-valwazzjoni ma għandhomx ikunu pprojbiti.

(37)

L-indipendenza tista' tkun imxekkla jekk il-valwazzjoni ssir minn persuna li taħdem jew tkun affiljata ma' xi awtorità pubblika rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE anki f'każijiet li fihom tkun ġiet stabbilita separazzjoni strutturali sħiħa għall-indirizzar ta' theddidiet bħall-awtovalutazzjoni, awtointeress, rakkomandazzjoni, familjarità, fiduċja jew intimidazzjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġ żgurat li tiġi żgurata separazzjoni legali xierqa b'tali mod li l-valutatur indipendenti ma jkunx impjegat ta' xi awtorità pubblika rilevanti jew kuntrattur tagħha, u lanqas fi grupp magħha, inkluż l-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew l-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata.

(38)

Hemm bżonn li jiġi żgurat ukoll li l-valutatur indipendenti ma jkollux xi interess materjali li jkun komuni jew f'kunflitt ma' xi awtorità pubblika relevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) jew l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, inkluż il-maniġment superjuri tagħha, l-azzjonisti kontrollanti, l-entitajiet tal-grupp u l-kredituri sinifikanti, skont kif jista' jkun il-każ meta l-valutatur indipendenti jkun kreditur sinifikanti tal-istituzzjoni jew tal-entità kkonċernata. B'mod simili, relazzjonijiet personali jistgħu jkunu jirrappreżentaw interess materjali.

(39)

Kif xieraq, l-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, għandha tivvaluta jekk hemmx xi interess materjali komuni jew f'kunflitt. Għall-finijiet ta' din il-valutazzjoni, il-valutatur indipendenti għandu jinnotifika lill-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dwar kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li l-persuna tqis li jista', fil-valutazzjoni ta' dik l-awtorità, jitqies li huwa interess materjali u tipprovdi kwalunkwe informazzjoni li tista' tintalab b'mod raġonevoli mill-awtorità sabiex tinforma din il-valutazzjoni. Fil-każ ta' persuni ġuridiċi, l-indipendenza għandha tiġi vvalutata b'referenza għall-kumpanija jew is-sħubija sħiħa iżda filwaqt li titqies kwalunkwe separazzjoni strutturali u arranġamenti oħrajn li jistgħu jkunu implimentati biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal, sabiex jiġu indirizzati theddidiet bħall-awtoanaliżi, awtointeress, rakkomandazzjoni, familjarità, fiduċja jew intimidazzjoni. Jekk is-sinifikat ta' dan it-theddid meta mqabbel mas-salvagwardja applikata jkun tali li l-indipendenza tal-persuna tkun f'riskju, il-kumpanija jew is-sħubija ma għandhomx ikunu l-valutatur indipendenti.

(40)

Awditur statutorju li jkun awditja l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fis-sena ta' qabel il-valutazzjoni tal-valutatur indipendenti għall-eliġibblità sabiex jaġixxi bħala valutatur ma għandu jitqies bħala indipendenti fl-ebda ċirkustanza. Fir-rigward tas-servizzi tal-awditjar jew valwazzjoni pprovduti lill-istituzzjoni jew l-entità kkonċernata fis-snin immedjatament qabel id-data li fiha trid tiġi vvalutata l-indipendenza, dawn għandhom jiġu supponuti li jippreżentaw interess materjali komuni jew f'kunflitt sakemm ma jintweriex, għas-sodisfazzjoni tal-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, li dan mhuwiex il-każ fir-rigward taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inkluż kwalunkwe separazzjoni strutturali jew arranġamenti oħra fis-seħħ.

(41)

Wara l-ħatra, huwa essenzjali li l-valutatur indipendenti jżomm aġġornati l-politiki ul- proċeduri skont il-kodiċijiet applikabbli tal-etika u l-istandards professjonali sabiex jidentifika kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li l-valutatur iqis li jista' jkun interess materjali komuni jew f'kunflitt. L-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tiġi identifikata fl-Istat Membru kkonċernat, għandha tiġi nnotifikata minnufih dwar kwalunkwe interess attwali jew potenzjali u għandha tqis jekk dan ikunx interess materjali, f'liema każ il-ħatra tal-valutatur indipendenti għandha tintemm u jinħatar valutatur ġdid.

(42)

Id-Direttiva 2014/59/UE teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tagħhom firxa ta' setgħat, inklużi s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni kif definiti fil-punt (66) tal-Artikolu 2(1) ta' dik id-Direttiva li tista' tiġi applikata b'mod indipendenti minn, jew flimkien ma' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

(43)

Importanti li jiġi żgurat li s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni jkunu jistgħu jiġu applikati b'rabta mal-obbligazzjonijiet kollha li mhumiex esklużi mill-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għall-obbligazzjonijiet irregolati mil-liġi ta' pajjiż terz, għajr dawk li jaqgħu taħt il-lista ta' obbligazzjonijiet li għalihom tapplika l-esklużjoni fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jiddaħħal terminu kuntrattwali sabiex jappoġġa l-applikazzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni għat-tali obbligazzjonijiet.

(44)

It-termini kuntrattwali msemmijin fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jiddaħħlu fil-ftehimiet li joħolqu obbligazzjoni li għaliha japplika dak l-Artikolu, li tkun daħlet fis-seħħ wara d-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE.

(45)

B'mod partikolari, it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandu jkun inkluż fil-ftehimiet rilevanti dwar obbligazzjoni li, malli tinħoloq, ma tkunx kompletament garantita jew tkun garantita għalkollox iżda t-termini kuntrattwali li jirregolaw l-obbligazzjoni ma jobbligawx lid-debitur iżomm kollateral li jiggarantixxi l-obbligazzjoni għalkollox fuq bażi kontinwa b'konformità mar-rekwiżiti regolatorji speċifikati fil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ekwivalenti fil-pajjiżi terzi.

(46)

Għall-ftehimiet rilevanti li jidħlu fis-seħħ qabel id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jiddaħħal it-terminu kuntrattwali meta l-obbligazzjonijiet jinħolqu minn dak il-ftehim wara d-data ta' traspożizzjoni.

(47)

Barra minn hekk, għal ftehimiet rilevanti li jidħlu fis-seħħ qabel id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, emendi materjali li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għall-ftehim għandhom jinvolvu l-obbligu li jiddaħħal it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Emendi mhux materjali li ma jaffettwawx id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għal ftehim relevanti ma għandhomx ikunu biżżejjed sabiex jattivaw ir-rekwiżit li jiddaħħal it-terminu kuntrattwali; fil-każijiet kollha l-oħrajn, għandu jiddaħħal it-terminu kuntrattwali.

(48)

Sabiex ikun hemm livell xieraq ta' konverġenza filwaqt li jiġi żgurat li d-differenzi fis-sistemi legali jew dawk li jirriżultaw mill-għamla jew il-forma tal-obbliggazzjoni jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, l-istituzzjonijiet u l-entitajiet imsemmijin fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, xieraq li jiġi stabbilit il-kontenut obbligatorju għat-terminu kuntrattwali.

(49)

Bil-għan li jinkiseb approċċ uniformi madwar l-Unjoni li jiżgura koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet rilevanti u sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun tista' tieħu deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni informati b'mod adegwat u veloċi, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kontenut tan-notifiki stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(50)

In-notifiki għandhom isiru permezz ta' komunikazzjonijiet elettroniċi siguri, u jirriflettu l-urġenza u l-importanza tas-suġġett. Sabiex tiġi promossal-koordinazzjoni bejn il-partijiet, il-komunikazzjoni orali minn qabel u l-konferma sussegwenti tar-riċevuta huma kkontemplati fil-proċess.

(51)

In-notifiki għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata lir-riċevitur sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu minnufih, u għalhekk jiġi stabbilit kontenut speċifiku fir-rigward in-notifika li trid tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti mill-korp maniġerjali ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE meta tkun qed tfalli jew aktarx li se tfalli. B'mod simili, il-komunikazzjoni tat-tali notifika mill-awtorità kompetenti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tinkludi dik l-informazzjoni li tippermetti lil din tal-aħħar twettaq il-kompiti tagħha. Għandhom jiġu pprovduti wkoll rekwiżiti speċifiċi tal-kontenut fir-rigward tan-notifika tal-valutazzjoni li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) qed tfalli jew aktarx li se tfalli, meta t-tali valutazzjoni tinbeda mill-awtorità kompetenti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni rispettivament. F'dan il-każ, in-notifika għandha tispeċifika wkoll il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

(52)

Bil-għan li jipprovdi approċċ armonizzat madwar l-Unjoni sabiex jinforma b'mod adegwat lill-partijiet interessati bl-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċeduri u l-kontenut tal-avviż li jiġbor fil-qosor l-effetti tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni, inkluża d-deċiżjoni ta' sospensjoni jew restrizzjoni tal-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet skont l-Artikoli 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(53)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenut tat-tali avviż, fir-rigward ta' ċerta informazzjoni kritika li trid tintbagħat lil konsumaturi u operaturi u kredituri; fir-rigward tal-elementi li mhumiex speċifikati f'dan ir-Regolament, l-avviż għandu jkun konsistenti mal-istrateġija ġenerali ta' komunikazzjoni żviluppata bħala parti mill-pjan ta' riżoluzzjoni u indirizzata fil-Kapitolu II, it-Taqsimiet I u II ta' dan ir-Regolament. Hemm bżonn li jiġu adottati standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu stabbiliti regoli dettaljati u uniformi fir-rigward tal-istabbiliment u l-proċeduri li jridu jiġu segwiti mill-kulleġġi ta' riżoluzzjoni meta jitwettqu l-funzjonijiet u l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE minħabba l-impatt qawwi li l-ippjanar tar-riżoluzzjoni tal-grupp u r-riżoluzzjoni jista' jkollhom f'iktar minn Stat Membru wieħed.

(54)

Meta jiġi stabbilit kulleġġ ta' riżoluzzjoni, hemm bżonn li jiġi evitat xogħol doppju li diġà jkun għamel is-superviżur konsolidatur u l-kulleġġ superviżorju. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li din il-ħidma tiġi aġġustata sabiex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-funzjonament tal-kulleġġ. B'mod partikolari, xieraq li jiġi żgurat li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tieħu f'kunsiderazzjoni, taġġorna u taġġusta kif xieraq il-ħidma rilevanti kollha li jagħmel is-superviżur konsolidatur fil-kuntest tal-kulleġġ superviżorju, b'mod partikolari fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-entitajiet tal-grupp rilevanti u, konsegwentement, tal-awtoritajiet li għandhom ikunu mistednin isiru membri jew osservaturi tal-kulleġġ (“proċess ta' mmappjar”).

(55)

Ir-referenza għal gruppi jew kulleġġi oħrajn bl-istess kompiti u funzjonijiet skont l-Artikolu 88(6) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jinftiehmu li jinkludu, iżda mhux limitati għal, gruppi ta' mmaniġġar ta' kriżijiet stabbiliti skont il-prinċipji u l-approċċi komuni żviluppati mill-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja u l-G20. Għalhekk huwa importanti li jkun previst li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, meta jivvalutaw l-obbligu tagħhom li jistabbilixxu kulleġġ ta' riżoluzzjoni, jivvalutaw ukoll jekk dawn il-gruppi jew il-kulleġġi l-oħrajn joperawx skont id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(56)

L-involviment ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi bħala osservaturi fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni diġà huwa previst fl-Artikolu 88(3) tad-Direttiva 2014/59/UE. Għalhekk hemm bżonn li jiġi pprovdut għall-proċess ta' organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-involviment tagħhom fil-bosta kompiti tal-kulleġġ.

(57)

Sabiex jinkiseb ippjanar effettiv tar-riżoluzzjoni, hemm bżonn ta' interazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin bejn il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-grupp bankarju, b'mod partikolari bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-impriża prinċipali fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp hija mistennija tinforma lill-impriża prinċipali fl-Unjoni dwar l-istabbiliment tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, il-kompożizzjoni tiegħu u dwar kwalunkwe bidla f'din il-kompożizzjoni. Madankollu, interazzjoni u kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-impriża prinċipali fl-Unjoni ma għandhomx jinjoraw il-veloċità tal-azzjoni meħtieġa sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja jew l-għamla preparatorja jew preventiva u l-valutazzjoni ekonomika kumplessa meħtieġa fl-ippjanar tar-riżoluzzjoni.

(58)

L-arranġamenti bil-miktub u l-proċeduri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet tal-organizzazzjoni meħtieġa sabiex jiġu żgurati proċessi effiċjenti u effettivi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. B'mod partikolari, il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandu jagħraf il-bżonn li jiġu stabbiliti substrutturi flessibbli fi ħdan il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni sabiex jitwettqu l-funzjonijiet tal-kulleġġ u jiġi żgurat li l-membri jistgħu jikkontribwixxu b'mod xieraq f'kull waħda mill-funzjonijiet tal-kulleġġ. B'mod partikolari, meta jitqies xieraq li l-awtoritajiet, għajr il-membri tal-kulleġġ, jieħdu sehem fil-kulleġġ bħala osservaturi, hemm bżonn li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li l-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni jiġu stabbiliti fl-arranġamenti bil-miktub u li ma jkunux iktar favorevoli minn dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament għall-membri tal-kulleġġ.

(59)

L-arranġamenti bil-miktub u l-proċeduri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu wkoll id-dispożizzjonijiet operattivi meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-kulleġġ jippermetti lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni kemm li jikkoordinaw il-kontribut tagħhom lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni kif ukoll li jorganizzaw l-analiżi, il-kunsiderazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kontribut li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jirċievu mingħand il-kulleġġ superviżorju. Għaldaqstant, idealment, l-arranġamenti bil-miktub għandhom jinkludu proċess ta' komunikazzjoni bejn il-kulleġġ superviżorju kif ukoll ta' riżoluzzjoni, speċjalment bjen l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u s-superviżur konsolidatur. L-arranġamenti bil-miktub għandhom jistabbilixxu wkoll il-proċessi li jridu jiġu segwiti fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni biex jintlaħaq fehim komuni, fil-każijiet kollha fejn tkun meħtieġa l-koordinazzjoni fil-prattika, iżda ma hemmx bżonn ta' deċiżjoni konġunta skont id-Direttiva 2014/59/UE.

(60)

L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandu jkollha aċċess għall-informazzjoni neċessarja kollha għat-twettiq tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha u għandha taġixxi bħala l-koordinatur għall-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni riċevuta minn kwalunkwe membri tal-kulleġġ, jew minn kwalunkwe entità fil-grupp soġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet li jkopru l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali stabbilita fid-Direttiva 2014/59/UE.

(61)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri operattivi jkunu effettivi sabiex jindirizzaw każ ta' emerġenza, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tagħmel testijiet għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u, fejn tqis li huwa xieraq, għandha titħalla tinvolvi lill-impriża prinċipali fl-Unjoni fit-twettiq ta' dawn it-testijiet.

(62)

Ippjanar f'waqtu u realistiku għall-proċessi ta' deċiżjoni konġunta kollha huwa essenzjali. Kull awtorità ta' riżoluzzjoni involuta f'dawn il-proċessi għandha tagħti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp il-kontribuzzjoni tagħha fid-deċiżjoni konġunta rispettiva f'waqtha u b'mod effiċjenti u skont l-iskedi ta' żmien relevanti għad-deċiżjoni konġunta.

(63)

Hemm bżonn li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet konġunti jittieħdu b'mod veloċi u fil-ħin. Dan huwa ta' importanza partikolari għal deċiżjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni iżda rilevanti wkoll għall-ippjanar tar-riżoluzzjonijiet. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet kollha involuti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet konġunti jingħataw biżżejjed żmien sabiex jesprimu l-fehma tagħhom. Sabiex issib il-bilanċ xieraq bejn iż-żewġ objettivi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tingħata s-setgħa li tissottometti l-abbozz tal-proposta tagħha lill-awtoritajiet l-oħrajn involuti fil-proċess filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi limitu ta' żmien adegwat li wara li jiskadi għandu jiġi supponut li l-awtoritajiet li ma joġġezzjonawx jagħtu l-kunsens tagħhom għal dik il-proposta. Meta jiġi stabbilit il-limitu ta' żmien rilevanti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tqis il-perjodu ta' żmien attwali tal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet kif stipulat mid-dispożizzjonijiet tal-liġi jew kif stabbilit qabel mill-kulleġġ innifsu.

(64)

Sabiex jiġi żgurat li jiġi stabbilit proċess effettiv, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandu jkollha r-responsabbiltà finali li tistabbilixxi s-sekwenzjar tal-istadji li jridu jiġu segwiti. Għandhom jiġu stabbiliti l-istadji biex tintlaħaq kwalunkwe deċiżjoni konġunta, filwaqt li jiġi rikonoxxut li wħud minn dawn l-istadji jistgħu jitwettqu b'mod parallel u oħrajn b'mod sekwenzjali.

(65)

Skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jiġu riveduti u aġġornati tal-inqas darba fis-sena. Madankollu, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp jiġu riveduti u aġġornati wkoll fuq bażi ad hoc, jekk jinqala' dan il-bżonn fid-dawl tal-informazzjoni li jirċievi l-kulleġġ superviżorju jew fuq inizjattiva tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni stess.

(66)

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tal-funzjonament tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni, f'dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi ċari ta' komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet konġunti lill-impriża prinċipali fl-Unjoni u lill-entitajiet l-oħrajn tal-grupp rilevanti. Sabiex tiġi żgurata komparabbiltà tal-proċessi u l-eżiti, biex b'hekk tinkiseb konverġenza, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli uniformi ċari dwar il-proċess u d-dokumentazzjoni meħtieġa għat-teħid ta' deċiżjonijiet konġunti fi ħdan il-kulleġġi ta' riżoluzzjoni.

(67)

Għandu jiġi żgurat koordinament tad-deċiżjonijiet individwali meħudin mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtorità ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta sabiex il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jkun jista' jwettaq dmiru kif stipulat fl-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. B'hekk, hemm bżonn li jiġi stabbilit il-proċess tal-funzjonament tal-kulleġġ bħala qafas għall-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet l-oħrajn sabiex jinkiseb ippjanar effiċjenti u li jista' jinħadem ta' riżoluzzjoni tal-grupp, anki fin-nuqqas ta' deċiżjonijiet konġunti.

(68)

Meta jiġu biex isibu hemmx bżonn ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti li jieħdu sehem fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandhom jikkunsidraw, b'konformità mal-Artikoli 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk hemmx dimensjoni tal-grupp għar-riżoluzzjoni inkwistjoni. Għal dak l-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha tieħu impenn li tidentifika l-entitajiet kollha tal-grupp li huma jew li jistgħu jkunu affettwati f'każ li entità mill-grupp jew l-impriża prinċipali fl-Unjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32 jew 33 tad-Direttiva 2014/59/UE.

(69)

Sabiex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni, hemm bżonn li ssir ħidma effiċjenti u effettiva fi ħdan perjodu qasir ta' żmien. Għaldaqstant, importanti li jkun previst li meta l-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jikkunsidra hemmx bżonn ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, dan għandu jqis ukoll il-ħtieġa li jiġu mutwalizzati l-arranġamenti finanzjarji nazzjonali. B'mod partikolari, fir-rigward tal-pjanijiet ta' finanzjament u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE, il-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għandu jqis jekk hemmx bżonn tal-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji nazzjonali. Fin-nuqqas ta' mutwalizzazzjoni, il-kontenut u l-proċess tal-pjan ta' finanzjament għandhom jiġu rranġati kif xieraq. Sabiex tiġi żgurata effiċjenza, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għandha titħalla tibdel il-valutazzjoni pożittiva finali tagħha fuq il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp mal-proposta tagħha dwar dik l-iskema.

(70)

Safejn possibbli u xieraq, l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għandha tqis u ssegwi l-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp sakemm l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, wara li jqisu ċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jqisux li l-objettivi tar-riżoluzzjoni jinkisbu b'mod iktar effettiv billi jieħdu azzjonijiet li humiex stipulati fil-pjan ta' riżoluzzjoni.

(71)

Hemm bżonn li dawk kollha affettwati mir-riżoluzzjoni ta' istituzzjoni jkunu jifhmu bis-sħiħ il-fehmiet u l-azzjonijiet ta' awtorità ta' riżoluzzjoni li ma taqbilx mad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għall-finijiet ta' koordinazzjoni. Għaldaqstant, kwalunkwe awtorità li ma taqbilx għandha tipprovdi raġunament ċar lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għan-nuqqas ta' qbil tagħha.

(72)

Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) lill-Kummissjoni.

(73)

Għall-finijiet tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE, u l-kontenuti tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni meħtieġa għall-gruppi, b'konformità, rispettivament, mal-Artikoli 10 u 13 tad-Direttiva 2014/59/UE, u għall-istandards tekniċi regolatorji marbutin mal-kriterji li jridu jiġu eżaminati għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet jew il-gruppi, previsti, rispettivament, fl-Artikolu 15(4) u l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-EBA kkonsultat lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(74)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOIZZJONIJIET KOMUNI U PJANIJIET TA' RKUPRU

TAQSIMA I

Dispożizzjonijiet komuni

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll:

(1)

l-informazzjoni li trid tkun fi pjan ta' rkupru individwali u, skont il-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/59/UE, fi pjan ta' rkupru tal-grupp;

(2)

il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp individwali kif ukoll tal-grupp, skont il-paragrafu 8 tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

il-kontenuti tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni meħtieġa għal istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE, u l-kontenuti tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni meħtieġa għal gruppi, b'konformità, rispettivament mal-Artikoli 10 u 13 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(4)

il-kwistjonijiet u l-kriterji li jridu jiġu mistħarrġa għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet jew tal-gruppi, previsti, rispettivament, fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 15 u l-paragrafu 2 tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(5)

il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (c), (e) u (i) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-appoġġ finanzjarju minn entità tal-grupp skont l-Artikolu 19 ta' dik id-Direttiva;

(6)

iċ-ċirkustanzi li fihom persuna hija indipendenti mill-awtorità ta' riżoluzzjoni u l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/59/UE għall-finijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 36 ta' dik id-Direttiva u l-Artikolu 74 tagħha;

(7)

il-lista ta' obbligazzjonijiet li għalihom tapplika l-esklużjoni mill-obbligu sabiex ikun inkluż it-terminu kuntrattwali msemmi fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2014/59/UE u l-kontenut tat-terminu kuntrattwali meħtieġ f'dak il-paragrafu;

(8)

il-proċeduri u l-kontenut marbutin man-notifiki msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE u mal-avviż ta' sospensjoni msemmi fl-Artikolu 83 ta' dik id-Direttiva;

(9)

regoli dettaljati dwar it-twaqqif u l-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni għat-twettiq tal-kompiti msemmijin fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Il-punti (1), (2), (3) u (4) ta' hawn fuq huma soġġetti għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe obbligu ssimplifikat stabbilit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“pjan ta' rkupru individwali” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn:

(a)

pjan ta' rkupru mfassal skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/59/UE minn istituzzjoni li mhijiex parti minn grupp soġġett għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikoli 111 u 112 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

pjan ta' rkupru mfassal skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/59/UE minn sussidjarja ta' impriża prinċipali tal-UE;

(2)

“strateġija ta' riżoluzzjoni” tfisser sett ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni previst fi pjan ta' riżoluzzjoni jew pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp;

(3)

“strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta” hija strateġija ta' riżoluzzjoni li kapaċi tikseb bl-aħjar mod l-objettivi ta' riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/59/UE fid-dawl tal-istruttura u l-mudell ta' negozju tal-istituzzjoni jew tal-grupp, u r-reġimi ta' riżoluzzjoni applikabbli għal entitajiet ġuridiċi fi grupp;

(4)

“obbligazzjonijiet eliġibbli kwalifikanti” tfisser obbligazzjonijiet eliġibbli li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 45(4) tad-Direttiva 2014/59/UE sabiex jiġu inklużi fl-ammont ta' fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli msemmijin fl-Artikolu 45(1) ta' dik id-Direttiva;

(5)

“punt uniku ta' dħul (SPE)” tfisser strateġija ta' riżoluzzjoni li tinvolvi l-applikazzjoni ta' setgħat ta' riżoluzzjoni minn awtorità ta' riżoluzzjoni unika fil-livell ta' impriża prinċipali unika jew istituzzjoni unika soġġetta għal superviżjoni konsolidata;

(6)

“punt multiplu ta' dħul (MPE)” tfisser strateġija ta' riżoluzzjoni li tinvolvi l-applikazzjoni ta' setgħat ta' riżoluzzjoni minn żewġ awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jew aktar għal subgruppi jew dħul ta' gruppi reġjonali jew funzjonali;

(7)

“kontroll” tfisser kontroll kif definit fil-punt (37) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(8)

“parteċipazzjoni kwalifikanti” tfisser parteċipazzjoni kwalifikanti kif definita fil-punt 36 tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

TAQSIMA II

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' rkupru

Artikolu 3

Informazzjoni li trid tiddaħħal fi pjan ta' rkupru

Pjan ta' rkupru jinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(1)

sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' rkupru, skont l-Artikolu 4;

(2)

informazzjoni dwar il-governanza, skont l-Artikolu 5;

(3)

analiżi strateġika, skont l-Artikoli minn 6 sa 12;

(4)

pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni, skont l-Artikolu 14;

(5)

analiżi tal-miżuri preparatorji, skont l-Artikolu 15.

Artikolu 4

Sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' rkupru

1.   Is-sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' rkupru jkopri s-sommarji ta' dawn kollha:

(a)

informazzjoni tal-pjan ta' rkupru dwar il-governanza;

(b)

l-analiżi strateġika tal-pjan ta' rkupru, inkluż sommarju tal-kapaċità ġenerali ta' rkupru msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 12(3);

(c)

kwalunkwe bidla materjali fl-istituzzjoni, il-grupp jew il-pjan ta' rkupru mill-verżjoni ta' qabel tal-pjan ta' rkupru sottomessa lill-awtorità kompetenti;

(d)

il-pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni tal-pjan ta' rkupru;

(e)

il-miżuri preparatorji stabbiliti fil-pjan ta' rkupru.

2.   Għall-finijiet tat-Taqsimiet II u III tal-Kapitolu I ta' dan ir-Regolament, bidla materjali tfisser kwalunkwe bidla li tista' tħalli impatt fuq il-kapaċità ta' istituzzjoni jew impriża prinċipali tal-UE jew waħda jew iktar mis-sussidjarji tagħha li timplimenta pjan ta' rkupru jew li timplimenta għażla waħda jew iktar ta' rkupru li tinsab fi pjan ta' rkupru.

Artikolu 5

Governanza

L-informazzjoni dwar il-governanza tal-inqas tinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(1)

kif ġie żviluppat il-pjan ta' rkupru, inklużi tal-inqas:

(a)

ir-rwol u l-kariga tal-persuni responsabbli għat-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-aġġornament ta' kull taqsima tal-pjan;

(b)

l-identità tal-persuna li għandha responsabbiltà ġenerali li żżomm il-pjan ta' rkupru aġġornat u deskrizzjoni tal-proċess li se jintuża għall-aġġornament tal-pjan ta' rkupru bħala tweġiba għal kwalunkwe bidla materjali li taffettwa lill-istituzzjoni jew il-grupp jew l-ambjent tagħhom;

(c)

deskrizzjoni ta' kif il-pjan huwa integrat fil-governanza korporattiva tal-istituzzjoni jew tal-grupp u fil-qafas ta' mmaniġġar tar-riskju kumplessiv;

(d)

jekk l-entità kkunsidrata hija parti minn grupp, deskrizzjoni tal-miżuri u l-arranġamenti li saru fil-grupp biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-għażliet ta' rkupru fil-livell tal-grupp u tas-sussidjarji individwali;

(2)

il-politiki u l-proċeduri li jirregolaw l-approvazzjoni tal-pjan ta' rkupru, inklużi tal-inqas:

(a)

dikjarazzjoni ta' jekk il-pjan ta' rkupru ġiex rieżaminat minn uffiċċju tal-awditjar intern, awditur estern jew kumitat tar-riskju;

(b)

konferma li l-pjan ta' rkupru ġie vvalutat u approvat mill-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali tal-UE responsabbli biex jippreżenta l-pjan;

(3)

il-kundizzjonijiet u l-proċeduri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tal-għażliet ta' rkupru inkluż, tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni dettaljata tal-proċess intern ta' eskalazzjoni u teħid ta' deċiżjonijiet li japplika meta jkunu ġew issodisfati l-indikaturi, sabiex jiġi kkunsidrat u stabbilit liema għażla ta' rkupru jista' jkun hemm bżonn li tiġi applikata bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni ta' stress finanzjarju li jkun feġġ, inkluż tal-inqas:

(i)

ir-rwol u l-funzjoni tal-persuni involuti f'dan il-proċess, inkluża deskrizzjoni tar-responsabiltajiet tagħhom, jew, meta jkun hemm kumitat involut fil-proċess, ir-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-funzjoni tal-membri tal-kumitat;

(ii)

il-proċeduri li jridu jiġu segwiti;

(iii)

il-limitu ta' żmien għad-deċiżjoni dwar it-teħid ta' għażliet ta' rkupru u meta u kif l-awtoritajiet kompetenti rilevanti se jiġu informati bil-fatt li l-indikaturi ġew issodisfati;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-indikaturi, li tirrifletti l-vulnerabbiltajiet, id-dgħjufijiet jew it-theddidiet possibbli għal, tal-inqas, il-pożizzjoni kapitali, is-sitwazzjoni tal-likwidità, il-profittabilità u l-profil ta' riskju tal-entità jew l-entitajiet koperti fil-pjan ta' rkupru;

(4)

il-konsistenza tal-pjan mal-qafas ta' mmaniġġar tar-riskju ġenerali tal-istituzzjoni jew tal-grupp, inkluża deskrizzjoni tal-parametri referenzjarji rilevanti (sinjali ta' twissija bikrin) użati bħala parti mill-proċess ta' mmaniġġar tar-riskji interni tal-istituzzjoni jew tal-grupp, meta dawn il-parametri referenzjarji jkunu siewja sabiex il-maniġment ikun informat li hemm il-potenzjal li l-indikaturi jiġu ssodisfati;

(5)

sistemi ta' informazzjoni dwar l-immaniġġar, inkluża deskrizzjoni tal-arranġamenti li hemm fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu implimentati l-għażliet ta' rkupru tkun disponibbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'kundizzjonijiet ta' stress b'mod affidabbli u fil-ħin.

Artikolu 6

Analiżi strateġika

(1)   L-analiżi strateġika tidentifika l-linji operatorji u l-funzjonijiet kritiċi ewlenin u tistabbilixxi l-istadji prinċipali għaż-żamma ta' dawk il-linji operatorji u l-funzjonijiet kritiċi ewlenin f'sitwazzjoni ta' stress finanzjarju.

(2)   L-analiżi strateġika tal-inqas tinkludi s-subtaqsimiet li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, kif stipulat fl-Artikolu 7;

(b)

deskrizzjoni tal-għażliet ta' rkupru, kif stipulat fl-Artikoli minn 8 sa 12;

Artikolu 7

Id-deskrizzjoni tal-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru

1.   Is-subtaqsima tal-analiżi strateġika li tiddeskrivi l-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

karatterizzazzjoni ġenerali tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, inklużi:

(i)

deskrizzjoni tal-istrateġija kummerċjali u ta' riskju ġenerali tagħhom;

(ii)

il-mudell tan-negozju u l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tagħhom, inkluża lista tal-ġurisdizzjonijiet ewlenin fejn huma attivi, inkluż permezz ta' entità ġuridika jew fergħa li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2;

(iii)

il-linji operatorji fundamentali u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom;

(iv)

il-proċess u l-metrika għall-identifikazzjoni tal-linji operatorji fundamentali u l-funzjonijiet kritiċi tagħhom;

(b)

immappjar tal-linji operatorji u l-funzjonijiet kritiċi ewlenin għall-entitajiet ġuridiċi u l-fergħat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-istrutturi legali u finanzjarji tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan, inkluż spjegazzjoni tal-interkonnettività intragrupp fir-rigward ta' kwalunkwe entità ġuridika jew fergħa li tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 u b'mod partikolari deskrizzjoni ta' dawn li ġejjin:

(i)

l-iskoperturi intragrupp materjali u r-relazzjonijiet ta' finanzjament eżistenti kollha, il-flussi ta' kapital fl-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, il-garanziji intragrupp li hemm fis-seħħ u l-garanziji intragrupp li huma mistennija jkunu fis-seħħ meta jkun hemm bżonn li tittieħed azzjoni ta' rkupru;

(ii)

l-interkonnettività legali, li tkopri l-ftehimiet legalment vinkolanti materjali bejn l-entitajiet ta' grupp inkluż, pereżempju, l-eżistenza ta' ftehimiet ta' dominju u ftehimiet ta' trasferiment tal-profitt u t-telf;

(iii)

l-interkonnettività operatorja, li tikkonċerna l-funzjonijiet li huma ċċentralizzati f'entità ġuridika jew fergħa waħda u huma importanti għall-funzjonament ta' entitajiet ġuridiċi jew fergħat oħrajn jew il-grupp, b'mod partikolari funzjonijiet ċentralizzati tat-teknoloġija tal-informazzjoni, funzjonijiet tat-teżor, funzjonijiet tar-riskju jew funzjonijiet amministrattivi;

(iv)

kwalunkwe ftehim eżistenti ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp konkluż b'konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/59/UE inkluż il-partijiet għall-ftehim, il-forma tal-appoġġ finanzjarju u l-kundizzjonijiet marbutin mal-forniment tal-appoġġ finanzjarju;

(d)

deskrizzjoni tal-interkonnettività esterna, inkluż tal-inqas:

(i)

l-iskoperturi u l-obbligazzjonijiet sinifikanti għall-kontropartijiet ewlenin;

(ii)

prodotti u servizzi finanzjarji sinifikanti li huma pprovduti mill-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru lil parteċipanti oħrajn fis-suq finanzjarju;

(iii)

servizzi sinifikanti li l-partijiet terzi jipprovdu lill-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru;

2.   Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1, ir-referenza għal entitajiet ġuridiċi jew fergħat tinftiehem bħala referenza għal entitajiet ġuridiċi jew fergħat li:

(a)

jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-profitt tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru jew għall-finanzjament tagħhom, jew għandhom sehem importanti mill-assi, l-obbligazzjonijiet jew il-kapital tagħhom;

(b)

iwettqu attivitajiet kummerċjali importanti;

(c)

iwettqu b'mod ċentrali funzjonijiet operatorji, tar-riskju jew amministrattivi importanti;

(d)

iġarrbu riskji sostanzjali li, fl-agħar xenarju possibbli, jistgħu jixħtu f'riskju l-vijabilità tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(e)

ma jistgħux jiġu ċeduti jew likwidati mingħajr il-probabbiltà li l-istituzzjoni jew il-grupp kollu kemm hu jġarrbu riskju qawwi;

(f)

huma importanti għall-istabbiltà finanzjarja ta' mill-inqas wieħed mill-Istati Membri fejn għandhom l-uffiċċji reġistrati tagħhom jew fejn joperaw.

Artikolu 8

L-għażliet ta' rkupru

1.   Is-subtaqsima dwar l-għażliet ta' rkupru tinkludi lista tal-għażliet ta' rkupru kollha u deskrizzjoni ta' kull għażla, kif stipulat fl-Artikoli minn 9 sa 12.

2.   Is-subtaqsima dwar l-għażliet ta' rkupru jkun fiha firxa ta' għażliet ta' rkupru mfasslin bħala tweġiba għal xenarji ta' stress finanzjarju u li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija jikkontribwixxu għaż-żamma jew ir-restawr tal-vijabilità u l-pożizzjoni finanzjarja tal-entità jew entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru.

3.   Kull għażla ta' rkupru tkun deskritta b'tali mod li l-awtorità kompetenti tkun tista' tivvaluta l-impatt u l-fattibbiltà tagħha.

4.   L-għażliet ta' rkupru jinkludu miżuri li huma ta' xorta straordinarja kif ukoll miżuri li jistgħu jittieħdu wkoll matul il-perkors normali tan-negozju tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru.

5.   L-għażliet ta' rkupru ma jkunu esklużi biss minħabba r-raġuni li jkunu jeħtieġu bidla fl-għamla attwali tan-negozju ta' dik l-entità jew dawk l-entitajiet.

Artikolu 9

Azzjonijiet, arranġamenti u miżuri taħt l-għażliet ta' rkupru

1.   Kull għażla ta' rkupru tindika tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

firxa ta' azzjonijiet ta' kapital u likwidità meħtieġa għaż-żamma jew ir-restawr tal-vijabilità u l-pożizzjoni finanzjarja tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru li, bħala l-għan primarju tagħhom, għandhom l-iżgurar tal-vijabilità tal-funzjonijiet kritiċi u l-linji operatorji kritiċi;

(b)

arranġamenti u miżuri bl-għan primarju li jżommu jew jirrestawraw il-fondi proprji tal-istituzzjoni jew il-fondi proprji konsolidati tal-grupp permezz ta' rikapitalizzazzjonijiet esterni u miżuri interni sabiex tittejjeb il-pożizzjoni kapitali tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru;

(c)

arranġamenti u miżuri li jiżguraw li l-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru jkollhom aċċess adegwat għal sorsi ta' finanzjament ta' kontinġenza sabiex jiġi żgurat li jistgħu jissoktaw bl-operazzjonijiet tagħhom u jissodisfaw l-obbligi tagħhom meta jkunu dovuti;

(d)

arranġamenti u miżuri li jnaqqsu r-riskju u l-ingranaġġ, jew li jirristrutturaw il-linji operatorji inkluż, fejn xieraq, analiżi tad-divestiment materjali possibbli tal-assi, l-entitajiet ġuridiċi jew il-linji operatorji;

(e)

arranġamenti u miżuri bil-għan primarju li jiksbu ristrutturar volontarju tal-obbligazzjonijiet, bla ma jattivaw każ ta' inadempjenza, terminazzjoni, tnaqqis fil-grad jew xi ħaġa simili.

Għall-finijiet tal-punt (c), il-miżuri jinkludu miżuri esterni u, fejn xieraq, miżuri li għandhom l-għan li jorganizzaw mill-ġdid il-likwidità disponibbli fil-grupp. Is-sorsi ta' finanzjament ta' kontinġenza jinkludu sorsi ta' likwidità potenzjali, valutazzjoni tal-kollateral disponibbli u valutazzjoni tal-possibbiltà li tiġi ttrasferita l-likwidità bejn l-entitajiet u l-linji operatorji tal-grupp.

2.   Meta għażla ta' rkupru ma tkunx tinkludi l-azzjonijiet, l-arranġamenti jew il-miżuri stipulati fil-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1, is-subtaqsima dwar l-għażliet ta' rkupru turi li dawk l-azzjonijiet, l-arranġamenti jew il-miżuri ġew ikkunsidrati b'mod adegwat mill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali fl-Unjoni jew is-sussidjarja li fasslet u ppreżentat il-pjan.

Artikolu 10

Valutazzjoni tal-impatt

Kull għażla ta' rkupru jkun fiha valutazzjoni tal-impatt li tinkludi, b'mod partikolari, deskrizzjoni dettaljata tal-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabilità tal-linji operatorji, l-operazzjonijiet u l-assi ewlenin tal-entità jew l-entitajiet li magħhom hija marbuta l-għażla ta' rkupru, u tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(1)

valutazzjoni tal-impatt finanzjarju u operattiv li tistabbilixxi l-impatt mistenni fuq is-solvenza, il-likwidità, il-pożizzjonijiet ta' finanzjament, il-profittabilità u l-operazzjonijiet tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru; fejn rilevanti, il-valutazzjoni tidentifika biċ-ċar l-entitajiet differenti tal-grupp li jistgħu jkunu affettwati mill-għażla jew li huma involuti fl-implimentazzjoni tagħha;

(2)

valutazzjoni tal-impatt estern u tal-konsegwenzi sistemiċi li tistabbilixxi l-impatt mistenni fuq il-funzjonijiet kritiċi mwettqin mill-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, u l-impatt fuq l-azzjonisti, fuq il-klijenti, b'mod partikolari d-depożitanti u l-investituri fil-livell tal-konsumatur, fuq il-kontropartijiet u, fejn applikabbli, fuq il-bqija tal-grupp;

(3)

is-suppożizzjonijiet tal-valwazzjoni u s-suppożizzjonijiet kollha l-oħrajn magħmulin għall-fini tal-valutazzjonijiet fil-punti (1) u (2), inklużi suppożizzjonijiet dwar il-kummerċjabilità tal-assi jew l-imġiba ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

Artikolu 11

Valutazzjoni tal-fattibbiltà

1.   Kull għażla ta' rkupru għandu jkun fiha valutazzjoni tal-fattibbiltà, li tinkludi tal-inqas:

(a)

valutazzjoni tar-riskju assoċjat mal-għażla ta' rkupru, li tuża kwalunkwe esperjenza fl-eżekuzzjoni tal-għażla ta' rkupru jew miżura ekwivalenti;

(b)

analiżi u deskrizzjoni dettaljati ta' kwalunkwe impediment materjali għall-eżekuzzjoni effettiva u f'waqtha tal-pjan u deskrizzjoni ta' jekk u kif it-tali impediment jista' jingħeleb;

(c)

meta din tkun applikabbli, analiżi tal-impediment potenzjali għall-implimentazzjoni effettiva tal-għażla ta' rkupru li tirriżulta mill-istruttura tal-grupp jew tal-arranġamenti intragrupp, inkluż jekk hemmx impediment prattiku jew legali sostanzjali għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew ir-ripagament tal-obbligazzjonijiet jew l-assi fil-grupp;

(d)

is-soluzzjonijiet għall-impediment potenzjali identifikat fil-punti (b) u (c).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, impediment materjali jinkludi kwalunkwe fattur li, potenzjalment, jista' jaffettwa b'mod negattiv l-eżekuzzjoni f'waqtha tal-għażla ta' rkupru, inklużi, b'mod partikolari, riskji legali, operattiv, kummerċjali, finanzjarji u ta' reputazzjoni bħal kwalunkwe riskju ta' tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.

Artikolu 12

Kontinwità tal-operazzjonijiet

1.   Kull għażla ta' rkupru tinkludi valutazzjoni ta' kif se tiġi żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet meta tiġi implimentata dik għażla ta' rkupru.

2.   Din il-valutazzjoni tinkludi analiżi tal-operazzjonijiet interni (pereżempju, sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, fornituri u operazzjonijiet tar-riżorsi umani) u tal-aċċess tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru għall-infrastruttura tas-suq (pereżempju faċilitajiet ta' kklerjar u saldu u sistemi ta' pagament). B'mod partikolari, il-valutazzjoni tal-kontinġenza operattiva tqis:

(a)

kwalunkwe arranġament u miżura meħtieġa sabiex jinżamm aċċess kontinwu għall-infrastruttura tas-swieq finanzjarji rilevanti;

(b)

kwalunkwe arranġament u miżura meħtieġa sabiex jinżamm il-funzjonament kontinwu tal-proċessi operattivi tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, inkluż l-infrastruttura u s-servizzi tal-IT;

(c)

il-perjodu ta' żmien mistenni għall-implimentazzjoni u l-effettività tal-għażla ta' rkupru;

(d)

l-effettività tal-għażla ta' rkupru u l-adegwatezza tal-indikaturi fuq firxa ta' xenarji ta' stress finanzjarju li tivvaluta l-impatt ta' kull wieħed minn dawn ix-xenarji fuq l-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, b'mod partikolari fuq il-kapital, il-likwidità, il-profittabilità, il-profil ta' riskju u l-operazzjonijiet tagħhom.

3.   Il-valutazzjoni tidentifika l-għażla ta' rkupru li tista' tkunu xierqa f'xenarju speċifiku, l-impatt potenzjali tal-għażla ta' rkupru, il-fattibbiltà tagħha, inkluż l-impediment potenzjali għall-implimentazzjoni tagħha, u l-perjodu ta' żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħha.

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-valutazzjoni tiddeskrivi l-kapaċità ta' rkupru ġenerali tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan ta' rkupru, jiġifieri il-punt safejn l-għażliet ta' rkupru jippermettu lil dik l-entità jew l-entitajiet jirkupraw f'firxa ta' xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju.

Artikolu 13

Kontroreferenzi

Meta l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 7 tkun ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħżlu li jaċċettaw kontroreferenzi għal dik l-informazzjoni bħala biżżejjed biex jintlaħqu r-rekwiżit fl-Artikolu 7 jekk ma jixħtux f'riskju l-kompletezza u l-kwalità tal-pjan ta' rkupru, kif rikjest mit-Taqsima III tal-Kapitolu I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Il-pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni

1.   Il-pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni jkopri l-kwistjonijiet li ġejjin f'dettall:

(a)

il-komunikazzjoni interna, b'mod partikolari lill-persunal, liil-kunsilli tax-xogħol jew lil rappreżentanti oħrajn tal-persunal;

(b)

il-komunikazzjoni esterna, b'mod partikolari lil azzjonisti u investituri oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti, il-kontropartijiet, is-swieq finanzjarji, l-infrastruttura tas-suq finanzjarju, id-depożitanti u l-pubbliku, kif xieraq;

(c)

proposti effettivi għall-immaniġġar ta' kwalunkwe reazzjoni negattiva tas-suq potenzjali.

2.   Pjan ta' rkupru jinkludi, tal-inqas, analiżi ta' kif jiġi implimentat l-pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni f'każ ta' implimentazzjoni ta' wieħed jew iktar mill-arranġamenti jew il-miżuri stipulati fil-pjan ta' rkupru.

3.   Il-pjan ta' komunikazzjoni u divulgazzjoni jqis b'mod adegwat kwalunkwe ħtieġa speċifika ta' komunikazzjoni għall-għażliet ta' rkupru individwali.

Artikolu 15

Miżuri ta' tħejjija

1.   Pjan ta' rkupru jinkludi analiżi ta' kwalunkwe miżura ta' tħejjija li jkunu ħadu l-entità jew l-entitajiet koperti minnu jew li huma neċessarji sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-pjan ta' rkupru jew sabiex tittejjeb l-effettività tiegħu flimkien ma' skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.

2.   It-tali miżuri ta' tħejjija jinkludu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jingħeleb l-impediment għall-implimentazzjoni effettiva tal-għażliet ta' rkupru li ġew identifikati fil-pjan ta' rkupru.

TAQSIMA III

Valutazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru

Artikolu 16

Il-kompletezza tal-pjanijiet ta' rkupru

L-awtorità kompetenti tivvaluta l-punt safejn pjan ta' rkupru jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/59/UE, rispettivament, u tanalizza l-kompletezza tal-pjan fuq il-bażi ta' dan li ġej:

(1)

jekk il-pjan ikoprix l-informazzjoni kollha elenkata fit-Taqsima A tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE kif speċifikat iktar fil-Kapitolu I, Taqsima I ta' dan ir-Regolament;

(2)

jekk il-pjan jipprovdix informazzjoni li hija aġġornata, anki fir-rigward ta' kwalunkwe bidla fl-entità jew l-entitajiet, b'mod partikolari bidliet fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tagħhom jew fis-sitwazzjoni kummerċjali jew finanzjarja tagħhom minn meta l-aħħar ġie ppreżentat il-pjan, b'konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

fejn applikabbli, jekk il-pjan jinkludix analiżi ta' kif u meta l-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan jistgħu japplikaw, fil-kundizzjonijiet indirizzati mill-pjan, għall-użu tal-faċilitajiet bankarji ċentrali u l-identifikazzjoni ta' dawk l-assi li jkunu mistennija jikkwalifikaw bħala kollateral;

(4)

jekk il-pjan jirriflettix b'mod adegwat firxa xierqa ta' xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju relevanti għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-entità jew l-entitajiet li jkopri l-pjan, filwaqt li b'konformità mal-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2014/59/UE jitqiesu l-linji gwida maħruġin mill-EBA li jispeċifikaw iktar il-firxa tax-xenarji li jridu jintużaw fil-pjanijiet ta' rkupru billi jsir kull sforz biex ikunu konformi mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(5)

jekk il-pjan fihx qafas ta' indikaturi li jidentifikaw il-punti li fihom jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet xierqa msemmijin fil-pjan;

(6)

jekk l-informazzjoni msemmija fil-punti minn (1) sa (5) hijiex ipprovduta b'rabta mal-grupp kollu kemm hu;

(7)

jekk il-pjan jinkludix, fejn applikabbli, arranġamenti għall-appoġġ finanzjarju intragrupp adottati skont ftehim għal appoġġ finanzjarju tal-grupp li ġie konkluż skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2014/59/UE;

(8)

jekk għal kull wieħed mix-xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju li huwa rifless fil-pjan skont l-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-pjan jidentifikax jekk hemmx:

(a)

impediment għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rkupru fil-grupp, inkluż fil-livell tal-entitajiet individwali koperti mill-pjan;

(b)

impediment prattiku jew legali sostanzjali għat-trasferiment fil-pront tal-fondi proprji jew ir-ripagament tal-obbligazzjonijiet jew l-assi fil-grupp.

Artikolu 17

Il-kwalità tal-pjanijiet ta' rkupru

Meta tivvaluta r-rekwiżiti u l-kriterji stipulati fl-Artikolu 5 u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2014/59/UE, kif ikun applikabbli, l-awtorità kompetenti tanalizza l-kwalità ta' pjan ta' rkupru fuq il-bażi ta' dan li ġej:

(1)

iċ-ċarezza tal-pjan titqies li hija stabbilita jekk:

(a)

il-pjan ikun jispjega lilu nnifsu u huwa abbozzat f'lingwa ċara u li tista' tinftiehem;

(b)

id-definizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet huma ċari u konsistenti fil-pjan kollu;

(c)

is-suppożizzjonijiet u l-valwazzjonijiet li jsiru fil-pjan huma spjegati;

(d)

ir-referenzi għad-dokumenti li ma jinsabux fil-pjan u kwalunkwe anness jissupplimentaw il-pjan b'mod li jikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-identifikazzjoni tal-għażliet sabiex jinżammu jew jiġu restawrati s-saħħa u l-vijabilità finanzjarja tal-entità jew l-entitajiet li jkopri;

(2)

ir-rilevanza tal-informazzjoni li tinsab fil-pjan titqies li hija stabbilita jekk it-tali informazzjoni tiffoka fuq l-identifikazzjoni tal-għażliet għaż-żamma jew ir-restawr tas-saħħa u l-vijabilità finanzjarji tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(3)

il-komprensività tal-pjan ta' rkupru titqies li hija stabbilita jekk, b'mod partikolari meta titqies in-natura tan-negozju tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan u d-daqs u l-interkonnettività tagħhom ma' istituzzjonijiet u gruppi oħrajn u mas-sistema finanzjarja ġenerali:

(a)

il-pjan jipprovdi biżżejjed dettall rigward l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fil-pjanijiet ta' rkupru skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

il-pjan fih firxa wiesgħa biżżejjed ta' għażliet ta' rkupru u indikaturi, li jqisu l-linji gwida maħruġin mill-EBA b'konformità mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2014/59/UE li jispeċifikaw iktar li jispeċifikaw iktar liema huma l-indikaturi li jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' rkupru billi jsir kull sforz biex ikunu konformi mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(4)

il-konsistenza interna tal-pjan titqies li hija stabbilita jekk:

(a)

fil-każ ta' pjan ta' rkupru individwali, jekk ikun hemm konsistenza interna tal-pjan innifsu;

(b)

fil-każ ta' pjan ta' rkupru tal-grupp, jekk ikun hemm konsistenza interna tal-pjan tal-grupp innifsu;

(c)

meta l-pjanijiet ikunu meħtieġa għas-sussidjarji fuq bażi individwali skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk ikun hemm konsistenza interna bejn dawn il-pjanijiet u l-pjan ta' rkupru tal-grupp.

Artikolu 18

Implimentazzjoni tal-arranġamenti proposti fil-pjanijiet ta' rkupru

1.   Meta tivvaluta il-punt safejn il-pjan ta' rkupru jissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità kompetenti tanalizza dawn li ġejjin:

(a)

il-livell ta' integrazzjoni u konsistenza tal-pjan mal-governanza korporattiva ġenerali u l-proċessi interni tal-entità jew tal-entitajiet li għalihom japplika l-pjan u l-qafas ta' mmaniġġar tar-riskju tagħhom;

(b)

jekk il-pjan fihx biżżejjed għażliet ta' rkupru plawsibbli u vijabbli li jagħmluha iktar raġonevolment probabbli li l-istituzzjoni jew il-grupp se jkunu jistgħu jilqgħu għal xenarji differenti ta' diffikultà finanzjarji b'mod veloċi u effettiv;

(c)

jekk l-għażliet ta' rkupru inklużi fil-pjan jistabbilixxux azzjonijiet li jindirizzaw b'mod effettiv ix-xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju riflessi skont l-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

jekk l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tal-għażliet hijiex realistika u hijiex ikkunsidrata fil-proċeduri mfasslin għall-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta' rkupru;

(e)

il-livell ta' tħejjija tal-istituzzjoni jew tal-grupp sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni ta' stress finanzjarju, kif determinat b'mod partikolari permezz tal-valutazzjoni ta' jekk il-miżuri ta' tħejjija meħtieġa ġewx identifikati b'mod adegwat jew le u, fejn xieraq, dawk il-miżuri ġewx implimentati jew tħejjiex pjan sabiex jiġu implimentati;

(f)

l-adegwatezza tal-firxa ta' xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju li fl-isfond tagħhom ġie ttestjat il-pjan;

(g)

l-adegwatezza tal-proċessi għall-ittestjar tal-pjan fl-isfond tax-xenarji msemmijin fil-punt (f) u kemm l-analiżi tal-għażliet ta' rkupru u l-indikaturi f'kull xenarju hija vverifikata minn dak l-ittestjar;

(h)

jekk is-suppożizzjonijiet u l-valwazzjonijiet li jsiru fil-pjan u kull għażla ta' rkupru humiex realistiċi u plawsibbli.

2.   Il-plawsibbiltà ta' kull għażla ta' rkupru stipulata fil-pjan kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 tiġi vvalutata filwaqt li jitqiesu l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

il-punt sa fejn l-implimentazzjoni tagħha taqa' taħt il-kontroll tal-istituzzjoni jew tal-grupp u kemm tkun tiddependi minn azzjoni li jieħdu partijiet terzi;

(b)

jekk il-pjan jinkludix firxa wiesgħa biżżejjed ta' għażliet ta' rkupru u l-indikaturi, il-kundizzjonijiet u l-proċeduri xierqa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni f'waqtha ta' dawn l-għażliet;

(c)

il-punt sa fejn il-pjan iqis impatti raġonevolment prevedibbli tal-implimentazzjoni tal-għażla ta' rkupru proposta fuq l-istituzzjoni jew il-grupp;

(d)

jekk il-pjan u b'mod partikolari l-għażliet ta' rkupru jkollhomx probabbiltà li jżommu l-vijabilità tal-istituzzjoni jew tal-grupp u jirrestawraw is-solidità finanzjarja tagħhom;

(e)

jekk applikabbli, il-punt sa fejn l-istituzzjoni jew il-grupp, jew il-kompetituri b'karatteristiċi simili, immaniġġaw episodju fl-imgħoddi ta' stress finanzjarju b'karatteristiċi simili għax-xenarju li qed jiġi kkunsidrat billi jintużaw l-għażliet ta' rkupru deskritti, b'mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni f'waqtha tal-għażliet ta' rkupru u, fil-każ ta' pjan ta' rkupru tal-grupp, il-koordinazzjoni tal-għażliet ta' rkupru fil-grupp.

Artikolu 19

L-għażliet ta' rkupru

Meta tivvaluta kemm il-pjan ta' rkupru jissodisfa l-kriterju stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità kompetenti tanalizza dawn li ġejjin:

(1)

jekk huwiex raġonevolment probabbli li l-pjan u l-għażliet ta' rkupru individwali jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod puntwali u effettiv anki f'sitwazzjonijiet ta' stress makroekonomiku jew finanzjarju serju;

(2)

jekk huwiex raġonevolment probabbli li l-pjan u l-għażliet ta' rkupru partikolari jkunu jistgħu jiġu implimentati b'tali mod li jkunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom mingħajr ma jħallu xi effett avvers sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja;

(3)

jekk il-firxa ta' għażliet ta' rkupru tnaqqasx biżżejjed ir-riskju li jirriżultaw ostakoli għall-implimentazzjoni ta' dawk l-għażliet jew effetti sistemiċi avversi minħabba azzjonijiet ta' rkupru li jieħdu istituzzjonijiet jew gruppi oħrajn fl-istess ħin;

(4)

kemm l-għażliet ta' rkupru jistgħu jidħlu f'kunflitt ma' dawk tal-istituzzjonijiet jew il-gruppi li għandhom vulnerabbiltajiet simili, pereżempju minħabba l-mudelli kummerċjali, l-istrateġiji jew l-ambitu tal-attività tagħhom, jekk l-għażliet ikunu ġew implimentati fl-istess ħin;

(5)

kemm l-implimentazzjoni tal-għażliet ta' rkupru minn bosta istituzzjonijiet jew gruppi fl-istess ħin hija probabbli li taffettwa b'mod negattiv l-impatt u l-fattibbiltà ta' dawk l-għażliet.

Artikolu 20

Ir-rekwiżiti speċifiċi għall-pjanijiet ta' rkupru tal-grupp

Meta tivvaluta kemm il-pjan ta' rkupru ta' grupp jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(4) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità kompetenti tanalizza dawn li ġejjin:

(1)

il-punt sa fejn il-pjan jista' jistabbilizza l-grupp kollu u kwalunkwe istituzzjoni tal-grupp, b'mod partikolari filwaqt li jitqiesu:

(a)

id-disponibbiltà tal-għażliet ta' rkupru fil-livell tal-grupp għar-restawr, meta jkun hemm bżonn, tal-pożizzjoni finanzjarja ta' sussidjarja, bla ma tiġi disturbata s-solidità finanzjarja tal-grupp;

(b)

jekk, wara l-implimentazzjoni ta' għażla ta' rkupru partikolari, il-grupp kollu, u kwalunkwe istituzzjoni fil-grupp li jkun biħsiebha tkompli tinnegozja b'dik l-għażla ta' rkupru, ikunx għad għandu mudell tan-negozju vijabbli;

(c)

il-punt sa fejn l-arranġamenti inklużi fil-pjan jiżguraw il-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-miżuri li jridu jittieħdu fil-livell tal-impriża prinċipali jew ta' istituzzjoni soġġetta għal superviżjoni konsolidata skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tad-Direttiva 2013/36/UE, jew fil-livell ta' istituzzjonijiet individwali, rispettivament. Il-punt sa fejn il-proċessi ta' governanza inklużi fil-pjan iqisu l-istruttura ta' governanza ta' sussidjarji individwali u kwalunkwe restrizzjoni legali relevanti jiġi analizzat b'mod partikolari;

(2)

il-punt sa fejn il-pjan jipprovdi soluzzjonijiet sabiex jingħeleb kwalunkwe ostakolu għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' rkupru fil-grupp li huwa identifikat b'rabta ma' xenarju pprovdut fl-Artikolu 5(6) tad-Direttiva 2014/59/UE; jekk l-ostakoli ma jistgħux jingħelbu, il-punt sa fejn il-miżuri ta' rkupru alternattivi jistgħu jilħqu l-istess objettivi;

(3)

il-punt sa fejn il-pjan jipprovdi soluzzjonijiet sabiex jingħeleb kwalunkwe impediment prattiku jew legali għal trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew ir-ripagament ta' obbligazzjonijiet jew assi fil-grupp li huwa identifikat; jekk l-impedimenti ma jistgħux jingħelbu, il-punt sa fejn l-għażliet ta' rkupru alternattivi jistgħu jilħqu l-istess objettivi.

Artikolu 21

L-għamla tal-entità jew l-entitajiet ivvalutati

Meta tivvaluta l-kredibbiltà ġenerali ta' pjan ta' rkupru skont l-Artikoli 18, 19 u 20, l-awtorità kompetenti tqis l-għamla tan-negozju tal-entità jew l-entitajiet koperti mill-pjan, id-daqs u l-interkonnettività tagħhom ma' istituzzjonijiet u gruppi oħrajn u mas-sistema finanzjarja ġenerali.

KAPITOLU II

PJANIJIET TA' RIŻOLUZZJONI

TAQSIMA I

Il-kontenut tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni

Artikolu 22

Il-kategoriji ta' informazzjoni li jridu jiddaħħlu fil-pjanjiet ta' riżoluzzjoni

Pjan ta' riżoluzzjoni jkun fih tal-inqas l-elementi stabbiliti fil-punti minn (1) sa (8) ta' dan l-Artikolu, inkluża l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikoli 10 u 12 tad-Direttiva 2014/59/UE u kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa għat-twettiq tal-istrateġija tar-riżoluzzjoni:

(1)

sommarju tal-pjan, inkluża deskrizzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp u sommarju tal-affarijiet imsemmijin fil-punti minn (2) sa (8);

(2)

deskrizzjoni tal-istrateġija tar-riżoluzzjoni kkunsidrata fil-pjan, inklużi:

(a)

identifikazzjoni tal-azzjonijiet differenti tar-riżoluzzjoni previsti fil-pjan;

(b)

identifikazzjoni tal-entità jew l-entitajiet legali li għalihom jiġu applikati l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni;

(c)

identifikazzjoni ta' kwalunkwe funzjoni kritika jew linja operatorja ewlenija li se tinżamm u kwalunkwe waħda minnhom li mistennija tiġi separata minn funzjonijiet oħrajn;

(d)

stima tal-perjodu ta' żmien għall-eżekuzzjoni ta' kull aspett materjali tal-pjan, kif meħtieġ skont il-punt (d) tal-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(e)

deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe varjant tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni differenti kkunsidrata sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkustanzi li fihom ma tistax tiġi implimentata l-istrateġija ppreferuta;

(f)

deskrizzjoni tal-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni, inkluż il-perjodu ta' żmien meħtieġ għad-deċiżjonijiet;

(g)

għal pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, arranġamenti għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u awtoritajiet rilevanti oħrajn tal-Istati Membri fejn jinsabu l-entitajiet tal-grupp jew fejn għandhom fergħat importanti u l-awtoritajiet rilevanti ta' pajjiżi terzi fejn jinsabu l-entitajiet tal-grupp, b'konformità mal-arranġamenti u l-proċedura bil-miktub kif stabbilita fil-Kapitolu VI, Taqsima I;

(3)

deskrizzjoni tal-informazzjoni, u l-arranġamenti għall-forniment ta' din l-informazzjoni, neċessarja sabiex tiġi implimentata l-istrateġija ta' riżoluzzjoni b'mod effettiv, inklużi tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni tal-informazzjoni, u l-proċessi għall-iżgurar tad-disponibbiltà f'perjodu ta' żmien xieraq ta' dik l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet ta' valwazzjoni, b'mod partikolari skont l-Artikoli 36 u 49 tad-Direttiva 2014/59/UE, u l-kapaċità tas-suq, b'mod partikolari skont ir-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni għall-bejgħ ta' għodod tan-negozju u tal-bank tranżitorju;

(b)

immappjar tal-funzjonijiet kritiċi u l-linji operatorji ewlenin lil entitajiet ġuridiċi li jidentifika b'mod partikolari l-funzjonijiet kritiċi u l-linji operatorji ewlenin imwettqa minn entitajiet soġġetti għal azzjonijiet ta' riżoluzzjoni u l-funzjonijiet kritiċi jew il-linji operatorji ewlenin mifruxin bejn entitajiet ġuridiċi li jkunu separati ladarba tiġi implimentata l-istrateġija tar-riżoluzzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u awtoritajiet rilevanti oħrajn, inklużi meta rilevanti l-awtoritajiet fi Stati Membri oħrajn jew f'pajjiżi terzi, b'konformità mal-Artikoli 90 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

deskrizzjoni dettaljata tal-arranġamenti għall-iżgurar li l-informazzjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE hija aġġornata u disponibbli għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, meta tkun meħtieġa;

(4)

deskrizzjoni tal-arranġamenti sabiex tiġi żgurata l-kontinwità operattiva tal-aċċess għal funzjonijiet kritiċi matul ir-riżoluzzjoni, inkluża tal-inqas id-deskrizzjoni ta':

(a)

sistemi u operazzjonijiet kritiċi kondiviżi li jridu jitkomplew sabiex tinżamm il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u l-arranġamenti għall-iżgurar tar-robustezza kuntrattwali u operattiva tal-forniment tagħhom fir-riżoluzzjoni;

(b)

l-interdipendenzi interni u esterni li huma kritiċi għaż-żamma tal-kontinwità operattiva;

(c)

arranġamenti għall-iżgurar ta' kwalunkwe aċċess għas-sistemi ta' pagament jew infrastrutturi finanzjarji oħrajn meħtieġa għaż-żamma ta' funzjonijiet kritiċi, inkluża valutazzjoni tal-portabbiltà tal-pożizzjonijiet tal-klijenti;

(5)

deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta' finanzjament u s-sorsi ta' finanzjament meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tar-riżoluzzjoni prevista fi-pjan, inkluż tal-inqas:

(a)

deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta' finanzjament u likwidità implikati mill-istrateġija tar-riżoluzzjoni;

(b)

deskrizzjoni tas-sorsi potenzjali tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni, inkluż it-termini tal-finanzjament, il-prekundizzjonijiet għall-użu tagħhom, meta jkunu disponibbli, l-entitajiet li lilhom jistgħu jipprovdu finanzjament, u kwalunkwe rekwiżit ta' kollateral;

(c)

meta rilevanti, deskrizzjoni u analiżi ta' kif u meta istituzzjoni jew grupp jistgħu japplikaw, fil-kundizzjonijiet indirizzati mill-pjan ta' riżoluzzjoni, għall-użu ta' faċilitajiet tal-bank ċentrali (għajr assistenza ta' likwidità ta' emerġenza jew assistenza oħra b'termini mhux standard) fir-riżoluzzjoni, inkluż l-identifikazzjoni tal-kollateral disponibbli;

(d)

għal gruppi, id-deskrizzjoni ta' kwalunkwe prinċipju maqbul għall-qsim tar-responsabbiltà għall-finanzjament bejn is-sorsi ta' finanzjament f'ġurisdizzjonijiet differenti, inkluż bejn sorsi ta' finanzjament fi Stati Membri differenti skont il-punt (f) tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(6)

pjanijiet ta' komunikazzjoni ma' gruppi ta' partijiet ikkonċernati kritiċi, inkluż mill-inqas:

(a)

il-maniġment, is-sidien u l-persunal tal-istituzzjoni jew tal-grupp inkluż il-proċeduri għall-konsultazzjoni mal-persunal u, fejn applikabbli, djalogu mas-sħab soċjali fil-proċess ta' riżoluzzjoni, u valutazzjoni tal-impatt tal-pjan fuq l-impjegati;

(b)

il-klijenti, il-mezzi tax-xandir u l-pubbliku ġenerali;

(c)

id-depożitanti, l-azzjonisti, id-detenturi ta' bonds, il-kontropartijiet, l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, u l-parteċipanti fis-suq l-oħrajn affettwati;

(d)

kwalunkwe korp amministrattiv jew ġudizzjarju li mingħandu hemm bżonn ta' approvazzjoni jew awtorizzazzjoni kritika għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni;

(e)

kwalunkwe konsulent meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni;

(7)

il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni ta' riżolvibbiltà, inklużi tal-inqas:

(a)

jekk l-istituzzjoni jew il-grupp humiex riżolvibbli bħalissa;

(b)

sommarju tal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-likwidazzjoni meħtieġa fil-punt (a) tal-Artikolu 23(1);

(c)

deskrizzjoni dettaljata ta' kwalunkwe impediment għar-riżolvibbiltà li ġie identifikat, u ta' kwalunkwe miżura proposta mill-istituzzjoni jew il-grupp meħtieġa mill-awtorità ta' riżoluzzjoni sabiex tindirizza jew tneħħi dan l-impediment;

(d)

valutazzjoni kkwantifikata ta' kwalunkwe bidla fir-rekwiżiti minimi għall-obbligazzjonijiet eliġibbli, jew il-post xieraq tal-obbligazzjonijiet eliġibbli, li hija meħtieġa sabiex jitneħħa jew jiġu indirizzat l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, filwaqt li jitqiesu l-kriterji speċifikati fl-Artiklu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE u speċifikati iktar fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(8)

kwalunkwe opinjoni espressa mill-istituzzjoni jew il-grupp b'rabta mal-pjan ta' riżoluzzjoni.

TAQSIMA II

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

Artikolu 23

L-istadji tal-valutazzjoni

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw ir-riżolvibbiltà fuq il-bażi tal-istadji konsekuttivi li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tal-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp fi proċedimenti normali ta' insolvenza skont l-Artikolu 24;

(b)

għażla ta' strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta għall-valutazzjoni skont l-Artikolu 25;

(c)

valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula skont l-Artikoli minn 26 sa 31;

(d)

valutazzjoni tal-kredibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula skont l-Artikolu 32.

2.   Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis li jkun ċar li l-istituzzjonijiet jew il-gruppi jkollhom riskji simili għas-sistema finanzjarja jew li ċ-ċirkustanzi li fihom ma jkunx probabbli li l-likwidazzjoni tagħhom tkun fattibbli jkunu simili, dik l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' tagħmel il-valutazzjoni tal-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-likwidazzjoni ta' dawk l-istituzzjonijiet jew il-gruppi b'mod simili jew identiku.

It-tipi ta' istituzzjonijijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu jistgħu, b'mod partikolari, jiġu ddeterminati skont il-kriterji msemmijin fl-Artikolu 98(1)(j) tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   Meta awtorità ta' riżoluzzjoni tikkonkludi li x'aktarx ma jkunx fattibbli jew kredibbli li l-istituzzjoni jew l-entitajiet tal-grupp jiġu stralċati bi proċedimenti ta' insolvenza normali, jew li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni x'aktarx ikun hemm bżonnha fl-interess pubbliku għaliex l-istralċ bi proċedimenti ta' insolvenza normali ma jkunx jissodisfa l-objettivi ta' riżoluzzjoni daqstant, din tidentifika strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta li tkun adattata għall-istituzzjoni jew il-grupp fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-istituzzjoni jew il-grupp skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE u l-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament. Kemm jista' jkun, hija tidentifika wkoll l-istrateġiji varjanti għall-indirizzar taċ-ċirkustanzi li fihom l-istrateġija ma tkunx fattibbli jew kredibbli.

4.   Il-valutazzjonijiet tal-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta jinkludu valutazzjoni ta' kwalunkwe strateġija varjanti proposta bħala parti minn dik l-istrateġija.

5.   B'konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jitolbu mingħand l-istituzzjoni jew il-grupp tali informazzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa sabiex isiru l-valutazzjonijiet tal-istrateġiji ppreferuti u varjanti.

6.   Meta dan ikun xieraq, awtorità ta' riżoluzzjoni tirrevedi l-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta jew tikkunsidra strateġiji alternattivi fuq il-bażi ta' valutazzjoni lesta tal-fattibbiltà u tal-kredibbiltà ta' strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta msemmija fil-paragrafu 4.

7.   Meta awtorità ta' riżoluzzjoni tirrevedi l-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta, tivvaluta l-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta riveduta skont l-Artikoli 26 u 27 rispettivament.

Artikolu 24

Il-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-likwidazzjoni fi proċedimenti normali ta' insolvenza

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw il-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp fi proċedimenti normali ta' insolvenza, kif ukoll l-impatt li jkollha l-likwidazzjoni fuq id-dipendenza fuq appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju meta mqabbla mar-riżoluzzjoni

2.   Meta jivvalutaw il-kredibbiltà tal-likwidazzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw l-impatt probabbli tal-likwidazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp fuq is-sistemi finanzjarji ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Unjoni sabiex jiżguraw li jissokta l-aċċess għall-funzjonijiet kritiċi mwettqa mill-istituzzjoni jew il-grupp u sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2014/59/UE. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jqisu l-funzjonijiet li jwettqu l-istituzzjoni jew il-grupp u jivvalutaw jekk ikunx probabbli li l-likwidazzjoni tħalli impatt avvers materjali fuq xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-funzjonament tas-suq finanzjarju u l-impatt fuq il-kunfidenza tas-suq;

(b)

l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, b'mod partikolari:

(i)

jekk il-waqfien f'daqqa tal-attivitajiet ixekkilx il-funzjonament normali tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju b'mod li jħalli impatt negattiv fuq is-sistema finanzjarja kollha kemm hi;

(ii)

jekk u l-punt sa fejn l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju jistgħu jservu bħala kanali ta' kontaġju fil-proċess ta' likwidazzjoni;

(c)

istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, b'mod partikolari:

(i)

jekk il-likwidazzjoni żżidx il-kostijiet tal-finanzjament ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn jew tnaqqasx id-disponibbiltà tal-finanzjament għalihom b'mod li jkun ta' riskju għall-istabbiltà finanzjarja;

(ii)

ir-riskju ta' kontaġju dirett u indirett u l-effetti ta' rispons makroekonomiku;

(d)

l-ekonomija reali u b'mod partikolari fuq id-disponibbiltà ta' servizzi finanzjarji kritiċi.

3.   Jekk l-awtorità ta' riżoluzzjoni tikkonkludi li l-likwidazzjoni hija kredibbli, tivvaluta l-fattibbiltà tal-likwidazzjoni.

4.   Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jqisu jekk is-sistemi tal-istituzzjoni jew tal-grupp humiex kapaċi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa mill-iskemi ta' garanzija tad-depożiti rilevanti għall-finijiet ta' forniment tal-pagament lil depożiti koperti fl-ammonti u l-perjodi ta' żmien speċifikati fid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), jew fejn relevanti skont l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti tal-pajjiż terz ekwivalenti, inkluż f'bilanċi tad-depożiti koperti.

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw ukoll jekk l-istituzzjoni jew il-grupp għandhomx il-kapaċità meħtieġa li jsostnu l-operazzjonijiet tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti, b'mod partikolari billi jagħmlu distinzjoni bejn il-bilanċi koperti u dawk mhux koperti fuq il-kontijiet tad-depożiti.

Artikolu 25

L-identifikazzjoni ta' strateġija ta' riżoluzzjoni

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw jekk strateġija ta' riżoluzzjoni kandidata hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni fid-dawl tal-istruttura u l-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-grupp, u r-reġimi ta' riżoluzzjoni applikabbli għall-entitajiet ġuridiċi fi grupp. Azzjoni ta' riżoluzzjoni tista' tittieħed fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta' wieħed jew iktar mill-objettivi tar-riżoluzzjoni u tkun proporzjonata għalih(om) u l-istralċ tal-istituzzjoni fi proċedimenti normali ta' insolvenza ma jissodisfax dawk l-objettivi tar-riżoluzzjoni daqstant.

2.   B'mod partikolari għall-gruppi, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw jekk ikunx aħjar li japplikaw strateġija ta' punt uniku ta' dħul jew punt multiplu ta' dħul.

3.   Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

x'għodod ta' riżoluzzjoni jintużaw bl-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta u jekk dawn l-għodod ta' riżoluzzjoni humiex disponibbli għal entitajiet ġuridiċi li għalihom l-istrateġija ta' riżoluzzjoni tipproponi li tapplikahom;

(b)

l-ammont ta' obbligazzjonijiet eliġibbli skont l-istrateġija ta' riżoluzzjoni proposta, ir-riskju jekk ma jkunx hemm kontribuzzjoni għall-assorbiment jew ir-rikapitalizzazzjoni tar-riskju, u l-entitajiet legali li joħorġu dawn l-obbligazzjonijiet eliġibbli ta' kkonċernati, billi jiġi kkunsidrat:

(i)

punt uniku ta' dħul għandu probabbiltà ikbar li jkun adattat jekk il-kumpanija holding prinċipali jew tal-grupp toħroġ biżżejjed obbligazzjonijiet eliġibbli maħruġin esternament jew obbligazzjonijiet li mistennijin jikkontribwixxu għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni bl-istrateġija ta' riżoluzzjoni proposta;

(ii)

punt multiplu ta' dħul għandu probabbiltà ikbar li jkun adattat jekk iktar minn entità waħda jew subgrupp reġjonali jew funzjonali fil-grupp li jiġi solvut joħorġu obbligazzjonijiet eliġibbli tal-grupp jew obbligazzjonijiet li mistennijin jikkontribwixxu għall-assorbment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni bl-istrateġija ta' riżoluzzjoni proposta;

(c)

l-arranġamenti kuntrattwali jew oħrajn li hemm fis-seħħ sabiex it-telf jiġi ttrasferit bejn l-entitajiet ġuridiċi fi grupp;

(d)

l-istruttura operattiva u l-mudell tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-grupp, u b'mod partikolari jekk humiex integrati ħafna jew għandhomx struttura deċentralizzata bi grad għoli ta' separazzjoni bejn partijiet differenti tal-istituzzjoni jew tal-grupp, filwaqt li jitqies li:

(i)

punt uniku ta' dħul għandu probabbiltà ikbar li jkun adattat jekk grupp jopera b'mod integrat ħafna, inkluż billi jkollu mmaniġġar tal-likwidità ċentralizzat, immaniġġar tar-riskju, funzjonijiet tat-teżor jew servizzi tal-IT u servizzi kritiċi oħrajn kondiviżi.

(ii)

punt multiplu ta' dħul għandu probabbiltà ikbar li jkun adattat jekk l-operazzjonijiet ta' grupp jinqasmu f'żewġ sottogruppi identifikabbli ċari jew iktar, billi kull wieħed ikun indipendenti b'mod finanzjarju, legali jew operattiv minn partijiet oħrajn tal-grupp, u kwalunkwe dipendenza operattiv kritika fuq partijiet oħrajn tal-grupp tkun ibbażata fuq arranġamenti robusti li jiżguraw l-operat kontinwat tagħhom fil-każ ta' riżoluzzjoni;

(e)

l-infurzabbiltà tal-għodod ta' riżoluzzjoni li jkunu applikati, b'mod partikolari f'pajjiżi terzi.

(f)

jekk l-istrateġija ta' riżoluzzjoni teħtieġx azzjoni ta' appoġġ mingħand awtoritajiet oħrajn, b'mod partikolari f'pajjiżi terzi, jew teħtieġx li t-tali awtoritajiet iżommu lura minn azzjonijiet ta' riżoluzzjoni indipendenti; u jekk kwalunkwe azzjoni bħal din tkunx fattibbli u kredibbli għal dawk l-awtoritajiet.

4.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw jekk il-varjanti tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni humiex neċessarji sabiex jindirizzaw xenarji jew ċirkustanzi fejn l-istrateġija ta' riżoluzzjoni ma tkunx tista' tiġi implimentata b'mod fattibbli u kredibbli.

5.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jqisu l-punt sa fejn kull strateġija varjanti jkollha l-probabbiltà li tikseb l-objettivi ta' riżoluzzjoni u b'mod partikolari tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi.

Il-miżuri għat-tneħħija tal-impedimenti għall-varjanti tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni jkunu implimentati biss jekk ma jxekklux l-implimentazzjoni fattibbli u kredibbli tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta.

Artikolu 26

Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà ta' strateġija ta' riżoluzzjoni

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw jekk huwiex fattibbli li l-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula tiġi applikata b'mod effikaċi f'perjodu ta' żmien xieraq u jidentifikaw l-impediment potenzjali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw l-impedimenti għall-istabbilizzazzjoni fit-terminu qasir tal-istituzzjoni jew tal-grupp. L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tqis ukoll kwalunkwe impediment prevedibbli għar-riorganizzazzjoni tan-negozju li hija meħtieġa skont l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2014/59/UE jew inkella li aktarx tkun meħtieġa jekk l-istrateġija ta' riżoluzzjoni tipprevedi li terġa' tinkiseb il-vijabilità fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-grupp kollha jew ta' parti minnhom.

3.   L-impedimenti jiġu kklassifikati f'tal-inqas il-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-istruttura u l-operazzjonijiet;

(b)

ir-riżorsi finanzjarji;

(c)

l-informazzjoni;

(d)

kwistjonijiet transfruntieri;

(e)

kwistjonijiet legali.

Artikolu 27

Valutazzjoni tal-fattibbiltà: l-istruttura u l-operazzjonijiet

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-kwistjonijiet li ġejjin meta jivvalutaw jekk hemmx impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni marbut mal-istruttura u l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni jew tal-grupp:

(1)

il-kwistjonijiet indirizzati fil-punti minn 1 sa 7, 16, 18 u 19 tat-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

id-dipendenzi tal-entitajiet materjali u l-linji operatorji ewlenin fuq l-infrastruttura, it-teknoloġija tal-informazzjoni, il-funzjonijiet tat-teżor jew tal-finanzi, l-impjegati jew servizzi kritiċi kondiviżi oħrajn;

(3)

jekk l-arranġamenti ta' governanza, kontroll u mmaniġġar tar-riskji humiex konsistenti ma' kwalunkwe bidla ppjanata fl-istruttura tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(4)

jekk l-istruttura legali u tal-frankiġja tal-istituzzjoni jew tal-grupp hijiex konsistenti ma' xi bidla ppjanata fl-istruttura tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-grupp;

(5)

jekk hemmx għodod ta' riżoluzzjoni xierqa disponibbli fir-rigward ta' kull entità ġuridika kif meħtieġa sabiex titwettaq l-istrateġija ta' riżoluzzjoni;

Artikolu 28

Valutazzjoni tal-fattibbiltà: ir-riżorsi finanzjarji

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-kwistjonijiet li ġejjin meta jivvalutaw jekk hemmx impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni marbut mar-riżorsi finanzjarji:

(1)

il-kwistjonijiet indirizzati fil-punti 13, 14, 15 u 17 tat-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

il-bżonn li jiġi identifikat u kkwantifikat l-ammont ta' kwalunkwe obbligazzjoni li aktarx li bl-istrateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta ma tkunx se tikkontribwixxi għall-assorbiment tat-telf jew ir-rikapitalizzazzjoni, tal-inqas fid-dawl tal-fatturi li ġejjin:

(i)

il-maturità;

(ii)

il-klassifikazzjoni tas-subordinazzjoni;

(iii)

it-tipi ta' detenturi tal-istrument, jew it-trasferibbiltà tal-istrument;

(iv)

l-impedimenti legali għall-assorbiment tat-telf bħan-nuqqas ta' rikonoxximent tal-għodod ta' riżoluzzjoni skont il-liġi barranija jew l-eżistenza ta' drittijiet ta' tpaċija;

(v)

fatturi oħrajn li joħolqu r-riskju li l-obbligazzjonijiet ikunu eżentati mill-assorbiment tat-telf fir-riżoluzzjoni;

(vi)

l-ammont u l-entitajiet ġuridiċi mittenti ta' obbligazzjonijiet eliġibbli kwalifikanti jew obbligazzjonijiet oħrajn li jassorbu t-telf;

(3)

id-daqs tal-ħtiġijiet ta' finanzjament qabel u matul ir-riżoluzzjoni, id-disponibbiltà tas-sorsi ta' finanzjament, u impedimenti għat-trasferiment ta' fondi kif meħtieġ fl-istituzzjoni jew il-grupp;

(4)

jekk humiex speċifikati arranġamenti xierqa sabiex it-telf jiġi ttrasferit lil entitajiet ġuridiċi li għalihom jiġu applikati l-għodod ta' riżoluzzjoni minn kumpaniji oħrajn tal-grupp, inkluż, fejn rilevanti, valutazzjoni tal-ammont u l-assorbiment tat-telf tal-finanzjament intragrupp.

Artikolu 29

Valutazzjoni tal-fattibbiltà: informazzjoni

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-kwistjonijiet li ġejjin meta jivvalutaw jekk hemmx impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni marbut mal-informazzjoni:

(1)

il-kwistjonijiet indirizzati fil-punti minn 8 sa 12 tat-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

il-ħila tal-istituzzjoni jew tal-grupp li jipprovdu informazzjoni dwar l-ammont u l-post if ħdan l-assi tal-grupp li jkunu mistennijin jikkwalifikaw bħala kollateral għall-faċilitajiet tal-banek ċentrali;

(3)

il-ħila tal-istituzzjoni jew tal-grupp li jipprovdu informazzjoni għat-twettiq ta' valutazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-valwazzjoni negattiva jew ir-rikapitalizzazzjoni meħtieġa.

Artikolu 30

Valutazzjoni tal-fattibbiltà: kwistjonijiet transfruntieri

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw il-kwistjonijiet li ġejjin meta jivvalutaw jekk hemmx impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni marbut mal-kwistjonijiet transfruntieri:

(1)

il-kwistjonijiet indirizzati fil-punt 20 tat-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

l-eżistenza ta' proċessi adegwati għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni u l-garanziji fuq l-azzjonijiet li jridu jittieħdu bejn l-awtoritajiet fil-pajjiż oriġinali u ospitanti, inkluż f'pajjiżi terzi, sabiex tkun tista' titwettaq l-istrateġija ta' riżoluzzjoni;

(3)

jekk il-liġi fil-ġurisdizzjonijiet oriġinali u ospitanti rilevanti hijiex prevalenti fuq id-drittijiet ta' terminazzjoni kuntrattwali fil-kuntratti finanzjarji li jiġi attivati biss mal-falliment u r-riżoluzzjoni ta' kumpanija affiljata.

Artikolu 31

Valutazzjoni tal-fattibbiltà: impedimenti potenzjali oħrajn

Il-kwistjonijiet legali li ġejjin jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impedimenti potenzjali għar-riżoluzzjoni:

(1)

jekk ir-rekwiżiti għall-approvazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet regolatorji neċessarji sabiex titwettaq l-istrateġija ta' riżoluzzjoni jistgħux jiġu ssodisfati fil-ħin;

(2)

jekk dokumenti kuntrattwali importanti jippermettux li jintemmu l-kuntratti mad-dħul f'riżoluzzjoni;

(3)

jekk obbligi kuntrattwali li ma jistgħux jiġu diżapplikati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jipprojbixxux xi trasferiment ta' assi u/jew obbligazzjonijiet previsti fl-istrateġija ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 32

Il-valutazzjoni tal-kredibbiltà ta' strateġija ta' riżoluzzjoni

1.   Wara li jivvalutaw il-fattibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jivvalutaw il-kredibbiltà tagħha, filwaqt li jqisu l-impatt probabbli tar-riżoluzzjoni fuq is-sistemi finanzjarji u l-ekonomiji reali ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Unjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi mwettqa mill-istituzzjoni jew il-grupp. Il-valutazzjoni għandha tinkludi l-evalwazzjoni ta' kwistjonijiet indirizzati fil-punti minn 21 sa 28 tat-Taqsima C tal-Anness tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Meta jagħmlu din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jikkunsidraw l-impatt probabbli tal-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni fuq is-sistemi finanzjarji ta' kwalunkwe Stat Membru jew tal-Unjoni. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jqisu l-funzjonijiet li jwettqu l-istituzzjoni jew il-grupp u jivvalutaw jekk ikunx probabbli li l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni tħalli impatt avvers materjali fuq dawn li ġejjin:

(a)

il-funzjonament tas-suq finanzjarju u b'mod partikolari l-kunfidenza tas-suq;

(b)

l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, u b'mod partikolari:

(i)

jekk il-waqfien f'daqqa tal-attivitajiet ixekkilx il-funzjonament normali tal-infrastrutturi tas-suq finanzjarju b'mod li jħalli impatt negattiv fuq is-sistema finanzjarja kollha kemm hi;

(ii)

jekk u l-punt sa fejn l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju jistgħu jservu bħala kanali ta' kontaġju fil-proċess ta' likwidazzjoni;

(c)

istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, u b'mod partikolari:

(i)

jekk il-likwidazzjoni żżidx il-kostijiet tal-finanzjament ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn jew tnaqqasx id-disponibbiltà tal-finanzjament għalihom b'mod li jkun ta' riskju għall-istabbiltà finanzjarja;

(ii)

ir-riskju ta' kontaġju dirett u indirett u l-effetti ta' rispons makroekonomiku;

(d)

l-ekonomija reali u b'mod partikolari fuq id-disponibbiltà ta' servizzi finanzjarji.

KAPITOLU III

L-APPOĠĠ FINANZJARJU INTRAGRUPP

Artikolu 33

Il-prospettiva li jiġu rimedjati d-diffikultajiet finanzjarji

1.   Il-kundizzjoni ta' prospettiva raġonevoli li l-appoġġ ipprovdut jirrimedja b'mod sinifikanti d-diffikultajiet finanzjarji tal-entità tal-grupp li tirċievi l-appoġġ finanzjarju (“l-entità riċeventi”) titqies li hija ssodisfata, meta t-tali prospettiva ta' rimedju tkun sostnuta mill-elementi li ġejjin:

(a)

il-ħtiġijiet ta' kapital u likwidità tal-entità riċeventi identifikati minn deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ta' kapital u likwidità tal-entità riċeventi u proġettazzjoni tal-ħtiġijiet ta' kapital u likwidità tagħha jkunu koperti għal perjodu twil biżżejjed ta' żmien, filwaqt li jitqiesu s-sorsi finanzjarji rilevanti kollha l-oħrajn li minnhom jistgħu jiġu ssodisfati dawk il-ħtiġijiet, l-iskala ta' żmien meħtieġa għar-rimedju tad-diffikultajiet finanzjarji u t-terminu tal-appoġġ;

(b)

l-analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-kawżi interni u esterni għad-diffikultajiet finanzjarji, b'mod partikolari tal-mudell tan-negozju u l-immaniġġar tar-riskju tal-entità riċeventi, u tal-kundizzjonijiet tas-suq fl-imgħoddi, fil-preżent u dawk mistennijin ma tikkontradixxix il-prospettiva ta' rimedju;

(c)

pjan ta' azzjoni li jiddeskrivi l-miżuri għar-rimedju tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-entità riċeventi, inkluża fejn hemm bżonn reviżjoni tal-mudell tan-negozju u l-immaniġġar tar-riskji tagħha;

(d)

is-suppożizzjonijiet sottostanti fid-deskrizzjonijiet u l-proġettazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c) ikunu koerenti u plawsibbli u jqisu l-kundizzjoni diffiċli tal-entità riċeventi, il-kundizzjonijiet attwali tas-suq u l-iżviluppi avversi potenzjali.

2.   Meta tivvaluta l-kundizzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2014/59/UE tqis l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità riċeventi.

Artikolu 34

Termini tal-appoġġ

1.   It-termini, inkluża l-kunsiderazzjoni, għall-forniment tal-appoġġ finanzjarju għandhom jitqiesu li huma konformi mal-Artikolu 19(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-termini jkunu jirriflettu b'mod adegwat:

(i)

ir-riskju ta' inadempjenza tal-entità riċeventi;

(ii)

is-superjorità tal-pretensjoni;

(iii)

it-telf mistenni għall-entità tal-grupp li tipprovdi l-appoġġ (“l-entità provditur”) fil-każ ta' inadempjenza tal-entità riċeventi;

(iv)

fil-każ ta' self jew faċilità impenjata, il-profil tal-maturità, ibbażat fuq divulgazzjoni sħiħa tal-informazzjoni rilevanti u aġġornata kollha mill-entità riċeventi u iktar informazzjoni disponibbli għall-entità provditur;

(b)

it-termini jirriflettu l-aħjar interess tal-entità provditur skont l-Artikolu 19(7) tad-Direttiva 2014/59/UE u r-relazzjoni tal-benefiċċji, ir-riskji u l-kostijiet ikkunsidrati meta jiġi stabbilit l-aħjar interess, inklużi l-benefiċċji diretti jew indiretti li jistgħu jkunu dovuti lill-entità provditur bħala riżultat tal-forniment tal-appoġġ finanzjarju u tal-benefiċċji għall-grupp minn dan il-forniment.

Għall-finijiet tal-punt (a)(iv), impatt temporanju antiċipat fuq il-prezzijiet tas-suq li jirriżulta minn każijiet esterni għall-grupp ma għandux bżonn jiġi kkunsidrat, jekk proġettazzjoni plawsibbli tas-sitwazzjoni tas-suq issostni s-suppożizzjoni li l-firxa ta' dan l-impatt u d-durata tiegħu ma jipperikolawx il-kapaċità tal-entità riċeventi li tissodisfa l-obbligazzjonijiet kollha tagħha malli jkunu dovuti.

2.   Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 ikunu bbażati fuq analiżi komparattiva tar-riskju ta' inadempjenza tal-entità riċeventi għal kull wieħed mill-każijiet kemm jekk l-appoġġ jiġi pprovdut kif ukoll jekk le.

L-analiżi tar-riskju ta' inadempjenza tkun ibbażata fuq l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 33. Din l-analiżi hija mingħajr ħsara għall-kunsiderazzjoni, għall-fini tal-valutazzjoni tar-relazzjoni tal-benefiċċji, ir-riskji u l-kostijiet fuq bażi ta' każ b'każ u bid-diskrezzjoni tal-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità provditur, tal-elementi ulterjuri li l-entità provditur tikkunsidra fi klassifikazzjoni tal-kreditu meta tiddeċiedi jekk tagħtix self fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-entità provditur.

3.   Il-valutazzjoni tinkludi l-ħsara potenzjali għall-frankiġja, ir-rifinanzjament u r-reputazzjoni u l-benefiċċji minn użu effiċjenti u l-funġibilità tar-riżorsi kapitali tal-grupp u l-kundizzjonijiet ta' rifinanzjament tiegħu.

Kemm jista' jkun, il-benefiċċji u l-kostijiet ikkunsidrati sabiex jiġi stabbilit l-aħjar interess jiġu kkwantifikati f'termini monetarji. Barra minn hekk, l-iskont mogħti lill-entità riċeventi mqabbel mat-termini tas-suq jiġi kkwantifikat, inkluż b'rabta mal-haircuts fuq il-kollateral jew ir-rati tal-imgħax.

4.   Meta jiġi vvalutat l-aħjar interess, jiġi kkunsidrat kwalunkwe impenn vinkolanti fil-ftehim ta' appoġġ finanzjarju li jsostni s-suppożizzjonijiet dwar il-mudell tan-negozju u l-immaniġġar tar-riskji fil-ġejjieni tal-entità riċeventi.

5.   L-awtorità kompetenti tqis l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet ipprovduti mill-awtorità kompetenti responsabbli għall-entità riċeventi.

Artikolu 35

Il-likwidità u s-solvenza tal-entità provditur

1.   Soġġett għall-kundizzjoni speċifikata fil-punt (g) tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-forniment tal-appoġġ finanzjarju jitqies li ma jxekkilx il-likwidità jew is-solvenza tal-entità provditur jekk, wara l-forniment tal-appoġġ finanzjarju:

(a)

jista' jkun raġonevolment mistenni li l-assi tal-entità provditur dejjem ikunu ikbar mill-obbligazzjonijiet tagħha;

(b)

jista' jkun raġonevolment mistenni li l-entità provditur tikkonforma ma' dawn li ġejjin:

(i)

li tkun tiflaħ tħallas l-obbligazzjonijiet kollha tagħha malli jkunu dovuti;

(ii)

li ma tiksirx ir-rekwiżiti dwar is-solvenza u l-likwidità skont id-Direttiva 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 b'tali mod li l-awtorità kompetenti tkun iġġustifikata li tirtira l-awtorizzazzjoni.

2.   Il-valutazzjoni tqis ir-riskju ta' inadempjenza tal-entità riċeventi u t-telf għall-entità provditur li jirriżulta mill-inadempjenza tal-entità riċeventi anki fir-rigward ta' żvilupp avvers potenzjali. Il-valutazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti prudenzjali xierqa ta' mmaniġġar xieraq tar-riskju għall-entità provditur.

Artikolu 36

Ir-riżolvibbiltà tal-entità provditur

1.   Il-forniment tal-appoġġ finanzjarju jitqies li ma jdgħajjifx ir-riżolvibbiltà tal-entità provditur, jekk il-forniment tal-appoġġ finanzjarju ma jrendix l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni għall-entità provditur kif stipulat fil-pjan ta' riżoluzzjoni sostanzjalment inqas fattibbli jew inqas kredibbli, b'konformità mal-valutazzjoni skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Din il-valutazzjoni tqis b'mod partikolari l-impatt tal-forniment tal-appoġġ finanzjarju fuq:

(a)

l-assorbiment potenzjali tat-telf fil-grupp wara li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni;

(b)

l-interkonnettività tal-entità provditur mal-entità riċeventi;

(c)

ir-riskju ta' kontaġju fil-grupp;

(d)

iż-żieda fil-kumplessità tal-grupp minħabba l-forniment tal-appoġġ finanzjarju;

(e)

is-sitwazzjoni kapitali u tal-likwidità tal-entità provditur.

2.   Jekk l-entitajiet provdituri ma jkunux kompletament infurmati dwar strateġija ta' riżoluzzjoni ppreferuta, jagħmlu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għalihom dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni.

3.   L-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni responsabbli għall-entità provditur jikkooperaw mill-qrib sabiex jistabbilixxu l-impatt tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp fuq ir-riżolvibbiltà tal-entità provditur.

KAPITOLU IV

L-INDIPENDENZA TAL-VALUTATURI

Artikolu 37

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtorità tal-ħatra” tfisser il-persuna ġuridika jew fiżika responsabbli għall-għażla u l-ħatra tal-valutatur indipendenti bil-għan li jwettaq il-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) jew l-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(2)

“entità relevanti” tfisser istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha jkunu se jiġu vvalutati b'konformità mal-Artikolu 36 jew 74 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

“awtorità pubblika rilevanti” tfisser l-awtorità tal-ħatra, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew l-awtoritajiet imsemmijin fil-punti minn (a) sa (h) tal-Artikolu 83(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, u l-ewwel awtorità msemmija fil-punt (i) tal-Artikolu 83(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 38

L-elementi tal-indipendenza

Persuna ġuridika jew fiżika tista' tinħatar bħala valutatur. Il-valutatur jitqies li huwa indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u l-entità relevanti meta jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(1)

il-valutatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa u jista' jagħmel il-valutazzjoni b'mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti skont l-Artikolu 39;

(2)

il-valutatur ikun legalment separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-entità rileventi skont l-Artikolu 40;

(3)

il-valutatur ma jkollu ebda interess komuni jew kunflitt materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 41.

Artikolu 39

Il-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi

1.   Il-valutatur indipendenti jkollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila u l-għarfien neċessarji fil-kwistjonijiet kollha meqjusin rilevanti mill-awtorità tal-ħatra.

2.   Il-valutatur indipendenti jkollu biżżejjed riżorsi umani u tekniċi li l-awtorità tal-ħatra tqis xierqa, jew ikollu aċċess għalihom, sabiex ikun jista' jagħmel il-valutazzjoni. Il-valutazzjoni tal-adegwatezza tar-riżorsi tqis l-għamla, id-daqs u l-kumplessità tal-valwazzjoni li trid issir.

3.   B'rabta mat-twettiq tal-valwazzjoni, il-valutatur indipendenti ma:

(a)

jfittixx u lanqas jieħu ordnijiet jew gwida mingħand xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti;

(b)

jfittixx u lanqas jaċċetta vantaġġi finanzjarji jew oħrajn mingħand xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti;

4.   Il-paragrafu 3 ma jipprevjenix:

(a)

il-forniment ta' ordnijiet, gwida, bini, tagħmir tekniku jew forom oħrajn ta' appoġġ meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew xi awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, dan jitqies li huwa neċessarju għall-kisba tal-għanijiet tal-valwazzjoni;

(b)

il-ħlas lill-valutatur indipendenti ta' remunerazzjoni u spejjeż li huma raġonevoli b'rabta mat-twettiq tal-valwazzjoni.

Artikolu 40

Separazzjoni strutturali

1.   Il-valutatur indipendenti jkun persuna separata minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti, inkluż l-awtorità ta' riżoluzzjoni, u l-entità rilevanti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

b'rabta mal-persuni fiżiċi, il-valutatur indipendenti ma jkunx impjegat jew kuntrattur ta' xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti;

(b)

b'rabta mal-persuni ġuridiċi, il-valutatur indipendenti ma jkunx jappartjeni għall-istess grupp ta' kumpaniji bħal xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti.

Artikolu 41

Interessi materjali komuni jew f'kunflitt

1.   Il-valutatur indipendenti ma jkollux interess materjali attwali jew potenzjali komuni jew f'kunflitt ma' xi awtorità pubblika rilevanti jew l-entità rilevanti.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, interess attwali jew potenzjali jitqies materjali meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, jista' jinfluwenza, jew jista' jiġi perċepit b'mod raġonevoli li jinfluwenza, il-ġudizzju tal-valutatur indipendenti meta jwettaq il-valwazzjoni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-interessi komuni jew f'kunflitt ma' tal-inqas il-partijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

(a)

il-maniġment superjuri u l-membri tal-korp maniġerjali tal-entità rilevanti;

(b)

il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jikkontrollaw jew li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fl-entità rilevanti;

(c)

il-kredituri identifikati mill-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat, li huma sinifikanti fuq il-bażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità tal-ħatra jew kwalunkwe awtorità bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq dan il-kompitu fl-Istat Membru kkonċernat;

(d)

kull entità tal-grupp.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, tal-inqas il-kwistjonijiet li ġejjin ikunu rilevanti:

(a)

il-forniment mill-valutatur indipendenti ta' servizzi, inkluż il-forniment fl-imgħoddi ta' servizzi, lill-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3, u b'mod partikolari r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-elementi rilevanti għall-valwazzjoni;

(b)

ir-relazzjonijiet personali u finanzjarji bejn il-valutatur indipendenti u l-entità rilevanti u l-persuni msemmijin fil-paragrafu 3;

(c)

investimenti jew interessi finanzjarji materjali oħrajn tal-valutatur indipendenti;

(d)

b'rabta mal-persuni ġuridiċi, kwalunkwe separazzjoni strutturali jew arranġamenti oħrajn li għandhom jiġu implimentati biex jindirizzaw kwalunkwe theddida għall-indipendenza bħall-awtorieżami, l-awtointeress, ir-rakkomandazzjoni, il-familjarità, il-fiduċja jew l-intimidazzjoni, inklużi arranġamenti biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal.

5.   Mingħajr ħsara għall-paragrafi 3 u 4, persuna titqies li għandha interess materjali attwali komuni jew f'kunflitt mal-entità rilevanti meta l-valutatur indipendenti, fis-sena ta' qabel id-data li fiha tiġi vvalutata l-eliġibbiltà ta' dik il-persuna li taġixxi bħala valutatur indipendenti, ikun għamel awditjar statutorju tal-entità rilevanti skont id-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

6.   Kwalunkwe persuna kkunsidrata għall-kariga ta' valutatur indipendenti, jew maħtura bħala valutatur indipendenti:

(a)

iżżomm, skont il-kodiċijiet applikabbli tal-etika u l-istandards professjonali, politiki u proċeduri sabiex tidentifika kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li jista' jitqies li jikkostitwixxi interess materjali b'konformità mal-paragrafu 2;

(b)

mingħajr dewmien tinnotifika lill-awtorità tal-ħatra, jew kwalunkwe awtorità oħra bħal din li tista' tingħata s-setgħa li twettaq il-kompitu msemmi fil-paragrafu 2 fl-Istat Membru kkonċernat, dwar kwalunkwe interess attwali jew potenzjali li l-valutatur indipendenti jqis li jista', fil-valutazzjoni ta' dik l-awtorità, jitqies li huwa interess materjali b'konformità mal-paragrafu 2;

(c)

tieħu l-passi xierqa sabiex tiżgura li l-ebda wieħed mill-membri tal-persunal jew persuni oħra involuti fit-twettiq tal-valwazzjoni ma jkollhom xi interess materjali tat-tip imsemmi fil-paragrafu 2.

KAPITOLU V

RIŻOLUZZJONI

TAQSIMA I

Rikonoxximent kuntrattwali u setgħat ta' konverżjoni

Artikolu 42

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu V, Taqsima I japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“emenda materjali” tfisser, fir-rigward ta' ftehim relevanti, kif iddefinit fil-punt 2 ta' dan l-Artikolu, li jsir qabel id-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu t-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE; emenda, inkluża emenda awtomatika, li ssir wara dik id-data u li għandha impatt fuq id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għal ftehim rilevanti; emendi li ma għandhomx impatt fuq id-drittijiet u l-obbligi sostantivi ta' parti għal ftehim rilevanti jinkludu tibdil fid-dettalji ta' kuntatt ta' firmatarju jew id-destinatarju tas-servizz ta' dokumenti, bidliet tipografiċi li jikkoreġu żbalji fl-abbozzar jew aġġustamenti awtomatiċi fir-rati tal-imgħax;

(2)

“ftehim rilevanti” tfisser kwalunkwe ftehim, inkluż it-termini ta' strument kapitali, li joħloq obbligazzjoni li għaliha japplika l-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 43

Obbligazzjonijiet li għalihom tapplika l-esklużjoni mill-obbligu sabiex ikun inkluż it-terminu kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE

1.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, obbligazzjoni garantita ma titqisx bħala obbligazzjoni eskluża meta, fiż-żmien li tinħoloq fih:

(a)

ma tkunx kompletament garantita;

(b)

tkun kompletament garantita iżda rregolata minn termini kuntrattwali li ma jobbligawx lid-debitur iżomm l-obbligazzjoni kompletament kollateralizzata fuq bażi kontinwa b'konformità mar-rekwiżiti regolatorji tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta' pajjiż terz li tikseb effetti li jistgħu jitqiesu li huma ekwivalenti għal-liġi tal-Unjoni.

2.   Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-obbligazzjonijiet maħruġin jew li jsiru wara d-data ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tat-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE fi Stat Membru jinkludu:

(a)

obbligazzjonijiet maħluqin wara dik id-data, indipendentement minn jekk jinħolqux taħt ftehimiet rilevanti li jsiru qabel dik id-data, inkluż taħt ftehimiet prinċipali jew qafas bejn il-partijiet kontraenti li jirregolaw bosta obbligazzjonijiet;

(b)

obbligazzjonijiet maħluqin qabel jew wara dik id-data taħt ftehimiet rilevanti li jsiru qabel dik id-data u li huma soġġetti għal emenda materjali;

(c)

obbligazzjonijiet taħt l-istrumenti ta' dejn maħruġin wara dik id-data;

(d)

obbligazzjonijiet taħt strumenti ta' dejn maħruġin qabel jew wara dik id-data taħt ftehimiet rilevanti li jsiru qabel dik id-data u li huma soġġetti għal emenda materjali.

3.   Għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, awtorità ta' riżoluzzjoni tistabbilixxi li r-rekwiżit li jkun inkluż terminu kuntrattwali fi ftehim rilevanti ma japplikax meta tkun sodisfatta li l-liġi tal-pajjiż terz ikkonċernat jew ftehim vinkolanti konkluż ma' dak il-pajjiż terz jipprevedu proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja li:

(a)

fuq talba tal-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew fuq l-inizjattiva ta' awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta' pajjiż terz li l-liġi tiegħu tirregola l-obbligazzjoni jew l-istrument, tippermetti lit-tali awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja tal-pajjiż terz mogħtija s-setgħa kif xieraq sabiex, f'perjodu li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tqis li mhuwiex se jaffettwa l-applikazzjoni effettiva tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni minn dik l-awtorità sabiex tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

tirrikonoxxi u tagħti effett lill-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni;

(ii)

issostni bl-applikazzjoni tas-setgħat rilevanti l-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni;

(b)

tipprovdi li l-motivi li fuq il-bażi tagħhom awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja ta' pajjiż terz tista' tirrifjuta li tirrikonoxxi jew tappoġġa l-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni skont il-punt (a) ikunu stipulati ċari u jkunu limitati għal każ wieħed jew iktar minn fost dawn il-każijiet eċċezzjonali li ġejjin:

(i)

ir-rikonoxximent jew l-appoġġ tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jkollu effetti avversi fuq l-istabbiltà finanzjarja fil-pajjiż terz ikkonċernat;

(ii)

ir-rikonoxximent jew l-appoġġ tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jwassal sabiex kredituri ta' pajjiżi terzi, speċjalment depożitanti li jinsabu f'dak il-pajjiż terz u li huma pagabbli fih, jiġu ttrattati b'mod żvantaġġat meta mqabblin mal-kredituri, u d-depożitanti li jinsabu jew pagabbli fl-Unjoni, bi drittijiet simili skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni;

(iii)

ir-rikonoxximent jew l-appoġġ ikollu implikazzjonijiet finanzjarji materjali għall-pajjiż terz ikkonċernat;

(iv)

ir-rikonoxximent jew l-appoġġ tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni jkollhom effetti li jmorru kontra l-ordni pubbliku tal-pajjiż terz ikkonċernat.

4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni għandha tara li l-motivi msemmijin fil-paragrafu 3(b) ma jipprekludux ir-rikonoxximent jew l-appoġġ tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni fiċ-ċirkustanzi kollha fejn jiġu applikati t-tali setgħat.

Artikolu 44

Il-kontenut tal-klawsola tal-kuntratt meħtieġa mill-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2014/59/UE

Il-klawsola tal-kuntratt fi ftehim rilevanti tinkludi dan li ġej:

(1)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-kontroparti ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, li l-obbligazzjoni tista' tkun soġġetta għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni minn awtorità ta' riżoluzzjoni;

(2)

deskrizzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni ta' kull awtorità ta' riżoluzzjoni skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi t-Taqsima 5 tal-Kapitolu IV tat-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE jew, fejn applikabbli, skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) b'mod partikolari s-setgħat stipulati fil-punti (e), (f), (g) u (j) tal-Artikolu 63(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-kontroparti ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE:

(a)

li hija marbuta bl-effett ta' applikazzjoni tas-setgħat imsemmijin fil-punt (b), inkluż:

(i)

kwalunkwe tnaqqis fl-ammont prinċipali jew l-ammont pendenti dovut, inkluż kwalunkwe mgħax dovut iżda mhux imħallas, fir-rigward tal-obbligazzjoni ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE skont il-ftehim rilevanti;

(ii)

il-konverżjoni ta' dik l-obbligazzjoni f'azzjonijiet ordinarji jew strumenti oħrajn ta' sjieda;

(b)

li t-termini tal-ftehim rilevanti jistgħu jinbidlu kif ikun hemm bżonn sabiex jingħata effett lill-eżerċizzju minn awtorità ta' riżoluzzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni u t-tali bidliet se jkunu vinkolanti fuq il-kontroparti ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

li l-azzjonijiet ordinarji jew strumenti oħrajn ta' sjieda jistgħu jinħarġu jew jingħataw lill-kontroparti ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, bħala riżultat tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni;

(4)

ir-rikonoxximent u l-aċċettazzjoni mill-kontroparti ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, li l-klawsola tal-kuntratt hija eżawstivi fir-rigward tal-kwistjonijiet deskritti fiha għall-esklużjoni ta' kwalunkwe ftehim, arranġament jew qbil ieħor bejn il-kontropartijiet b'rabta mas-suġġett tal-ftehim rilevanti.

TAQSIMA II

Notifiki u avviż ta' sospensjoni

Artikolu 45

Ir-rekwiżiti ġenerali għan-notifiki

1.   In-notifiki mressqa skont l-Artikoli 81(1), (2), (3) u 83(2) tad-Direttiva 2014/59/UE ikunu bil-miktub u jintbagħtu permezz ta' mezzi elettroniċi adegwati u sikuri.

2.   L-awtoritajiet rilevanti msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE u fl-Artikolu 83(2) jispeċifikaw id-dettalji ta' kuntatt biex tiġi mressqa notifika u jqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.   Qabel ma jibgħat notifika, il-mittent jista' jagħmel kuntatti verbali mal-awtoritajiet rilevanti msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE sabiex jgħarrafhom li qed tiġi mressqa notifika.

4.   Għall-fini tan-notifiki msemmijin fil-punti (a), (b), (c), (d), (h) u (j) tal-Artikolu 81(3) tad-Direttiva 2014/59/UE u fil-punti (a), (b), (f) u (h) tal-Artikolu 83(2) tagħha, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jużaw il-lingwa fl-użu komuni għall-kooperazzjoni mas-superviżur konsolidanti u l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

5.   L-awtoritajiet rilevanti msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2014/59/UE u fl-Artikolu 83(2) tagħha jinfurmaw lill-mittent li rċevew in-notifika u jispeċifikaw id-data u l-ħin tar-riċevuta kif irreġistrata mir-riċevitur u d-dettalji ta' kuntatt tal-persunal li jieħu ħsieb in-notifika.

Artikolu 46

Notifika mill-korp maniġerjali lil awtorità kompetenti

1.   In-notifiki mressqa mill-korp maniġerjali ta' istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE lil awtorità kompetenti, jinkludu:

(a)

l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat u, fejn disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika tal-istituzzjoni jew l-entità li tibgħat in-notifika;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat tal-impriża prinċipali immedjata u finali ta' dik l-istituzzjoni jew l-entità, fejn rilevanti;

(c)

l-informazzjoni u l-analiżijiet rilevanti li l-korp maniġerjali kkunsidra meta għamel il-valutazzjoni sabiex jistabbilixxi li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

kopja tar-riżoluzzjoni bil-miktub tal-korp maniġerjali li tikkonferma l-valutazzjoni tiegħu li l-istituzzjoni jew l-entità qed tfalli jew aktarx li se tfalli;

(e)

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-korp maniġerjali jqis rilevanti għall-valutazzjoni tagħha;

2.   In-notifika skont l-Artikolu 81(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tiġi kkomunikata minnufih lill-awtorità kompetenti wara d-deċiżjoni tal-korp maniġerjali li istituzzjoni jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva qed tfalli jew aktarx li se tfalli.

Artikolu 47

Komunikazzjoni tan-notifika riċevuta mill-awtorità kompetenti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni

Malli tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 46, l-awtorità kompetenti immedjatament tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità ta' riżoluzzjoni:

(1)

kopja tan-notifika li tkun irċeviet inkluż l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 46(1);

(2)

id-dettalji tal-miżuri jew l-azzjonijiet ta' prevenzjoni tal-kriżi msemmija fl-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE li ħadet l-awtorità kompetenti jew li din teħtieġ li l-istituzzjoni jew l-entità msemmija tieħu fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn rilevanti;

(3)

kwalunkwe dokument ta' sostenn addizzjonali li l-awtorità kompetenti tqis neċessarju sabiex l-awtorità ta' riżoluzzjoni tkun tista' tieħu deċiżjoni informata.

Artikolu 48

In-notifika tal-valutazzjoni li istituzzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE

1.   In-notifika ta' awtorità kompetenti jew awtorità ta' riżoluzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 81(3) tad-Direttiva 2014/59/UE tinkludi:

(a)

l-isem tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li magħha hija marbuta n-notifika;

(b)

l-informazzjoni stabbilita fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 46(1);

(c)

sommarju tal-valutazzjoni meħtieġa fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   In-notifika ssir mingħajr dewmien wara li jiġi stabbilit li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-awtorità kompetenti, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-awtorità ta' riżoluzzjoni b'informazzjoni addizzjonali li l-awtorità ta' riżoluzzjoni tista' titlob sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha.

Artikolu 49

Notifika

1.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/59/UE li trid tippubblika l-awtorità ta' riżoluzzjoni tinkludi:

(a)

l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat u, fejn disponibbli, l-identifikatur tal-entità ġuridika tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE skont ir-riżoluzzjoni;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tal-impriża prinċipali immedjata u finali ta' dik l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn rilevanti;

(c)

lista tal-ismijiet ta' entitajiet oħrajn tal-grupp u fergħat relatati li fir-rigward tagħhom l-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni jeżerċitaw l-effetti tagħhom, inkluż, kemm jista' jkun, informazzjoni dwar fergħat li jinsabu f'pajjiżi terzi;

(d)

sommarju tal-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni rilevanti li jittieħdu, id-dati li fihom jieħdu effett dawk l-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni u b'mod partikolari l-effetti tagħhom fuq il-konsumaturi u li jinkludi dawn li ġejjin:

(i)

informazzjoni dwar l-aċċess għad-depożiti skont id-Direttiva 2014/49/UE dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti miżmumin fl-istituzzjoni affettwata mill-azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(ii)

informazzjoni dwar l-aċċess għall-assi jew il-fondi ta' klijenti oħrajn skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, miżmumin fl-istituzzjoni affettwata mill-azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(iii)

informazzjoni dwar il-pagament kuntrattwali jew l-obbligi ta' twettiq soġġetti għal sospensjoni skont l-Artikolu 69 tad-Direttiva 2014/59/UE, inklużi l-bidu u l-iskadenza tal-perjodu ta' sospensjoni, fejn applikabbli;

(iv)

informazzjoni dwar il-kredituri garantiti tal-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE taħt riżoluzzjoni soġġetta għal restrizzjonijiet fuq l-infurzar tal-interess ta' garanzija inklużi l-bidu u l-iskadenza ta' dak il-perjodu ta' restrizzjoni skont l-Artikolu 70 tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn applikabbli;

(v)

informazzjoni dwar il-partijiet kuntrattwali affettwati mis-sospensjoni temporanja tad-drittijiet ta' terminazzjoni inkluż il-bidu u l-iskadenza tal-perjodu ta' sospensjoni skont l-Artikolu 71 tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn applikabbli;

(e)

il-konferma tal-perkors normali tal-impenji kuntrattwali, inkluż l-iskedi tar-ripagamenti, mhux soġġetti għal sospensjonijiet skont l-Artikoli 69, 70 u 71 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(f)

il-punt ta' kuntatt fl-istituzzjoni fejn il-konsumatur u l-kredituri jistgħu jfittxu li jiksbu iktar informazzjoni u aġġornamenti fuq l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-operazzjonijiet tagħha.

2.   In-notifika tkun ippubblikata mill-iktar fis possibbli wara li tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni.

KAPITOLU VI

IL-KULLEĠĠI TA' RIŻOLUZZJONI

TAQSIMA I

L-organizzazzjoni operattivi tal-kulleġġi ta' riżoluzzjoni

Artikolu 50

Immappjar u identifikazzjoni tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-osservaturi potenzjali

1.   Sabiex jiġu identifikati l-membri u l-osservaturi potenzjali tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp timmappja l-entitajiet tal-grupp imsemmi fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li tqis l-immappjar ta' dak il-grupp kif isir mis-superviżur konsolidanti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98 (8) u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 (9).

2.   Malli jitlesta l-immappjar imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika l-lista tal-membri u l-osservaturi potenzjali lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tagħmel rieżami u aġġornament tal-immappjar tal-entitajiet tal-grupp u tal-lista tal-membri u l-osservaturi potenzjali tal-inqas darba fis-sena. Tagħmel ukoll rieżami u aġġornament ukoll tal-immappjar u tal-lista ta' membri u l-osservaturi potenzjali wara kull bidla materjali fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tal-grupp jew fin-negozju tiegħu.

4.   Meta tivvaluta jekk għandhiex twaqqaf kulleġġ ta' riżoluzzjoni b'konformità mal-Artikolu 88(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis ukoll jekk dak il-grupp jew il-kulleġġ l-ieħor joperax skont dan ir-Regolament.

Artikolu 51

L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi bħala osservaturi fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni

1.   Malli tirċievi talba rilevanti mingħand awtorità ta' riżoluzzjoni ta' pajjiż terz kif imsemmi fl-Artikolu 88(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika t-talba lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

2.   Il-komunikazzjoni tkun akkumpanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

l-opinjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, filwaqt li tqis ukoll il-punt (b), dwar l-ekwivalenza tar-reġim ta' segretezza u kunfidenzjalità professjonali applikabbli għall-osservatur kandidat;

(b)

il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni li għandhom jiddaħħlu fl-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub kif tipproponi l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(c)

il-fehma tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp rigward is-sinifikat tal-fergħa rilevanti, jekk il-kandidat ikun awtorità ta' riżoluzzjoni ta' pajjiż terz għal fergħa;

(d)

l-istabbiliment ta' limitu ta' żmien, li malli jiskadi għandu jiġi supponut li hemm kunsens: f'dak il-limitu ta' żmien, kwalunkwe membru tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni li ma jaqbilx kif imsemmi fl-Artikolu 88(2)(b), (c) jew (d) tad-Direttiva 2014/59/UE jista' jesprimi l-oġġezzjoni debitament motivata tiegħu għall-opinjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp imsemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu.

3.   Meta tiġi espressa oġġezzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkunsidraha qabel ma tieħu d-deċiżjoni finali tagħha. Għal dan il-għan, tista' titlob ukoll il-fehmiet espliċiti tal-membri tal-kulleġġ imsemmijin fl-Artikolu 88(2)(b), (c) u (d) tad-Direttiva 2014/59/UE u tqis il-maġġoranza tal-fehmiet tagħhom.

4.   Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tieħu d-deċiżjoni li tistieden lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tal-pajjiż terz, tibgħat stedina lill-osservatur kandidat. L-istedina tkun akkumpanjata mill-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni bħala osservatur stipulati fl-arranġamenti bil-miktub. Il-kandidat li jirċievi l-istedina jitqies li huwa osservatur malli jaċċetta l-istedina, u b'hekk jitqies li aċċetta l-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

5.   Wara l-aċċettazzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat eżitu aġġornat tal-immappjar imsemmi fl-Artikolu 50 lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 52

Komunikazzjoni mal-impriża prinċipali fl-Unjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li jkun hemm interazzjoni regolari u kooperazzjoni mal-impriża prinċipali fl-Unjoni sabiex issaħħaħ il-funzjonament effiċjenti u effettiv tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

(2)   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika lill-impriża prinċipali fl-Unjoni t-twaqqif tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u lista tal-membri u l-osservaturi tiegħu, kif ukoll kwalunkwe bidla fil-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 53

L-istabbiliment u l-aġġornament tal-listi ta' kuntatt

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp iżżomm u taqsam mal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni d-dettalji ta' kuntatt tal-persuni nnominati mingħand kull membri u osservatur sabiex iwettqu l-kompiti tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Id-dettalji ta' kuntatt għandhom jinkludu dettalji ta' kuntatt wara l-ħinijiet tax-xogħol li jistgħu jintużaw f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u b'mod partikolari sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-bżonn li tiġi stabbilita u miftiehma skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tara li tirċievi mingħand il-membri u l-osservaturi kollha tal-kulleġġ id-dettalji ta' kuntatt tal-persuni ta' kuntatt rilevanti u tiġi informata mingħajr dewmien żejjed dwar il-bidliet rilevanti kollha.

Artikolu 54

L-elementi tal-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni

1.   L-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub skont l-Artikolu 88(5)(a) tad-Direttiva 2014/59/UE jinkludu tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-grupp, l-impriża prinċipali fl-Unjoni, is-sussidjarji u l-fergħat sinifikanti;

(b)

l-identifikazzjoni tal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ;

(c)

deskrizzjoni tal-qafas ġenerali tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet u l-kompiti.

2.   Il-qafas ġenerali għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni jinkludi dawn kollha li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tas-substrutturi differenti tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għat-twettiq ta' kompiti differenti, fejn rilevanti. Għal dak il-għan, b'mod partikolari fir-rigward tal-membri tal-kulleġġ li jikkonkludu deċiżjonijiet konġunti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis il-ħtieġa li jiġi organizzat kulleġġ ta' riżoluzzjoni f'diversi substrutturi;

(b)

l-identifikazzjoni tal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ li jieħdu sehem f'attivitajiet speċifiċi tal-kulleġġ. Għal dak il-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li diversi substrutturi tal-kulleġġ, inklużi substrutturi li jinvolvu osservaturi, ma jirriżultawx fir-restrizzjoni jew fil-prevenzjoni tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet konġunti b'mod partikolari fir-rigward ta' dawk il-membri tal-kulleġġ li huma meħtieġa jikkonkludu deċiżjonijiet konġunti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

deskrizzjoni tal-qafas, il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, inklużi l-patti u l-kundizzjonijiet tal-involviment tagħhom fil-bosta djalogi u proċessi tal-kulleġġ kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE. L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li l-qafas ġenerali u l-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi mhumiex iktar favorevoli mill-qafas, il-patti u l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-membri tal-kulleġġ skont dan ir-Regolament u l-arranġamenti bil-miktub rilevanti tal-kulleġġ partikolari;

(d)

deskrizzjoni tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni u koordinazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, speċjalment ta' xorta sistemika, li jistgħu jheddu l-vijabilità ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet tal-grupp;

(e)

deskrizzjoni tal-proċessi li jridu jiġu segwiti, meta ma jkunx hemm bżonn li tittieħed deċiżjoni konġunta iżda meta l-formazzjoni ta' ftehim komuni fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jew fi kwalunkwe waħda mis-substrutturi tiegħu tidher li tkun neċessarja;

(f)

deskrizzjoni tal-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni inklużi l-ambitu, il-frekwenza u l-kanali ta' komunikazzjoni rilevanti fir-rigward tal-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE u r-rwol tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp bħala l-koordinatur għall-ġbir u t-tqassim tal-informazzjoni bejn il-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ;

(g)

deskrizzjoni tal-informazzjoni rilevanti li trid tinqasam mal-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni b'mod partikolari b'rabta mal-ippjanar tar-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà u kompiti oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 88(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, anki fir-rigward tal-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE u r-rwol tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(h)

deskrizzjoni tal-arranġamenti għat-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali fir-rigward tal-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(i)

deskrizzjoni tal-proċeduri għall-organizzazzjoni ta' laqgħat fiżiċi u regolari ad hoc;

(j)

deskrizzjoni tal-metodu għall-koordinazzjoni tal-kontribut li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jridu jipprovdu b'mod indipendenti lill-kulleġġ superviżorju jew lis-superviżur konsolidanti, meta l-leġiżlazzjoni tkun teħtieġ dan jew fuq bażi ta' inizjattiva proprja;

(k)

deskrizzjoni tal-metodu għall-komunikazzjoni tal-kontribut imsemmi fil-punt (j), b'mod partikolari deskrizzjoni tar-rwol rilevanti tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-komunikazzjoni ta' dak il-kontribut lis-superviżur konsolidanti;

(l)

deskrizzjoni tal-politika dwar il-komunikazzjoni mas-superviżur konsolidanti, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rilevanti, l-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet tal-grupp imsemmijin fl-Artikolu 58;

(m)

kwalunkwe ftehim ieħor li jikkonċerna l-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni; kif ukoll

(n)

kwalunkwe dispożizzjoni li tkopri l-arranġamenti ta' diskontinwità.

Artikolu 55

L-istabbiliment u l-aġġornament tal-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji l-proposta tagħha għall-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 54.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika l-proposta tagħha lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni għall-konsultazzjoni, u tistedinhom jagħtu l-opinjoni tagħhom u jindikaw il-perjodu ta' żmien biex jitressqu dawk l-opinjonijiet.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis l-opinjonijiet tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u tagħti raġuni għad-deċiżjoni tagħha meta ma tqishomx.

4.   Malli tlestihom, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika l-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

5.   L-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jiġu rieżaminati u aġġornati, b'mod partikolari wara kwalunkwe bidla sostantiva fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni

6.   Filwaqt li taġġorna l-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-membri l-oħrajn tal-kulleġġ isegwu l-proċedura stabbilita fil-paragrafi minn 1 sa 5.

Artikolu 56

L-aspetti operattivi tal-laqgħat tal-kulleġġ u l-attivitajiet l-oħrajn

1.   Il-kulleġġi ta' riżoluzzjoni jiltaqgħu tal-inqas darba fis-sena wiċċ imb wiċċ. L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, bil-kunsens tal-membri kollha tal-kulleġġ, wara li tqis il-partikolaritajiet tal-grupp, tista' tistabbilixxi frekwenza differenti tal-laqgħat fiżiċi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp torganizza attivitajiet oħrajn tal-kulleġġ fuq bażi regolari, speċjalment meta jkun hemm bżonn ta' djalogu bejn il-membri tal-kulleġġ.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji u tikkomunika lill-membri tal-kulleġġ l-aġenda u l-objettivi tal-laqgħat ippjanati u attivitajiet oħrajn.

4.   Il-membri kollha tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni li jieħdu sehem fil-laqgħat tal-kulleġġ jew attivitajiet oħrajn jiżguraw li r-rappreżentanti xierqa, skont l-objettivi tal-laqgħa u attivitajiet oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, jieħdu sehem f'dawn il-laqgħat u attivitajiet oħrajn u li dawn ir-rappreżentanti jingħataw is-setgħa li jimpenjaw lill-awtoritajiet tagħhom, kemm jista' jkun, f'każ li jkun mistenni li se jittieħdu deċiżjonijiet f'dawn il-laqgħat jew attivitajiet oħrajn.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li d-dokumenti rilevanti jintbagħtu ferm minn qabel, qabel laqgħa jew attività partikolari tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

6.   L-eżiti u d-deċiżjonijiet tal-laqgħat jew attivitajiet oħrajn tal-kulleġġ jiġu dokumentati bil-miktub u kkomunikati lill-membri tal-kulleġġ fil-ħin.

Artikolu 57

Skambju ta' informazzjoni

1.   Soġġetti għall-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-membri tal-kulleġġ jiżguraw li jiskambjaw l-informazzjoni essenzjali u rilevanti kollha, kemm jekk jirċevuha mingħand entità tal-grupp, awtorità kompetenti jew kwalunkwe awtorità deżinjata oħra jew xi sors ieħor.

2.   Dik l-informazzjoni tkun adegwata u preċiża, kif ukoll kondiviża fil-ġin sabiex tippermetti u tiffaċilita l-prestazzjoni effiċjenti, effikaċi u sħiħa tal-kompiti tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni f'sitwazzjonijiet kemm ta' negozju avvjat kif ukoll ta' emerġenza.

3.   Għall-fini ta' koordinazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-kulleġġ superviżorju u ta' riżoluzzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u s-superviżur konsolidanti jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kulleġġi jwettqu r-rwol tagħhom stipulat fl-Artikolu 116 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp li tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tibgħatha lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

5.   Meta l-kulleġġ ikun organizzat f'substrutturi diversi, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp iżżomm lill-membri kollha tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni informati għalkollox u fil-ħin, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew il-miżuri mwettqa f'dawk is-substrutturi tal-kulleġġ.

6.   Jekk ma jkunx stipulat mod ieħor, jista' jintuża kwalunkwe mezz ordinarju ta' komunikazzjoni, idealment mezzi siguri ta' komunikazzjoni, b'mod partikolari meta tintbagħat informazzjoni sensittiva. Għal informazzjoni disponibbli pubblikament, ikun biżżejjed li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi r-referenza għal din l-informazzjoni.

7.   Meta jkun hemm sit web sigur tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, l-użu ta' dan is-sit web ikun il-mezz ta' komunikazzjoni ewlieni.

8.   L-Artikoli minn 50 sa 76 ta' dan ir-Regolament ma jaffettwawx is-setgħat ta' ġbir ta' informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti jew ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 58

Il-politika dwar il-komunikazzjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tkun l-awtorità responsabbli għall-komunikazzjoni mal-impriża prinċipali fl-Unjoni u s-superviżur konsolidanti, meta dan tal-aħħar ikun differenti mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni msemmijin fl-Artikolu 88(2)(b), (c) u (d) tad-Direttiva 2014/59/UE ikunu l-awtoritajiet responsabbli għall-komunikazzjoni mal-entitajiet u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri rispettivi.

Artikolu 59

Il-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni esterna

1.   Il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jikkoordinaw il-komunikazzjonijiet esterni tagħhom b'rabta mal-istrateġiji u l-iskemi tar-riżoluzzjoni tal-grupp.

2.   Għall-fini ta' koordinazzjoni tal-komunikazzjoni esterna, il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jaqblu tal-inqas fuq dawn li ġejjin:

(a)

l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet għall-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni esterna, f'sitwazzjoni ta' negozju avvjat, f'sitwazzjoni li fiha istituzzjoni jew grupp jitqiesu li qed ifallu jew aktarx li se jfallu u f'sitwazzjoni ta' riżoluzzjoni;

(b)

id-determinazzjoni tal-livell ta' informazzjoni li jrid jiġi żvelat dwar l-istrateġiji tar-riżoluzzjoni tal-grupp;

(c)

il-koordinazzjoni ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi f'sitwazzjonijiet li fihom istituzzjoni jew grupp jitqiesu li qed ifallu jew aktarx li se jfallu;

(d)

il-koordinazzjoni ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi relatati mal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li ttieħdu, inkluża l-pubblikazzjoni ta' ordnijiet jew strumenti li bihom ittieħdu l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew notifiki li jispjegaw l-effetti tal-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni.

Artikolu 60

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tistabbilixxi u tittestja b'mod regolari l-proċeduri operattivi għall-funzjonament tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, speċjalment dawk sistemiċi, li jistgħu jheddu l-vijabilità ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet tal-grupp.

2.   Il-proċeduri operattivi msemmijin fil-paragrafu 1 ikopru tal-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

il-mezzi siguri ta' komunikazzjoni li se jintużaw;

(b)

is-sett ta' informazzjoni li trid tiġi skambjata;

(c)

il-persuni rilevanti li jridu jiġu kkuntattjati;

(d)

il-proċeduri ta' komunikazzjoni li jridu jiġu segwiti mill-membri tal-kulleġġ rilevanti.

TAQSIMA II

Deċiżjonijiet konġunti dwar l-ippjanar tar-riżoluzzjoni ta' grupp

Subtaqsima 1

Il-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar pjan ta' riżoluzzjoni ta' grupp u valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

Artikolu 61

L-ippjanar tal-istadji tal-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti

1.   Qabel ma tibda l-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jaqblu dwar skeda ta' żmien tal-istadji li jridu jiġu segwiti f'dan il-proċess (“l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti”).

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil fuq din l-iskeda ta' żmien, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tistabbilixxi l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti wara li tikkunsidra l-fehmiet u r-riżervi li jesprimu l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

2.   L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti tiġi aġġornata tal-inqas darba fis-sena u tinkludi l-istadji kollha li ġejjin li jridu jiġu implimentati f'sekwenza maqbula bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji:

(a)

djalogu preliminari bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar l-istrateġija ta' riżoluzzjoni tal-grupp, bi tħejjija tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

(b)

it-talba tal-informazzjoni meħtieġa mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni għat-tfassil tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u t-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni mitluba fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu mill-impriża prinċipali fl-Unjoni direttament lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp b'konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

it-trażmissjoni tal-informazzjoni li l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tirċievi mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u indikazzjoni ta' limitu ta' żmien għal kwalunkwe talba għal informazzjoni addizzjonali;

(e)

il-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-iżvilupp tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mill-awtorità ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(f)

il-preżentazzjoni tal-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-abbozz tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(g)

il-preżentazzjoni tal-kummenti possibbli dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u dwar l-abbozz tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(h)

diskussjoni mal-impriża prinċipali fl-Unjoni dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tagħha, fejn jitqies li dan huwa xieraq mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(i)

djalogu bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tagħha;

(j)

iċ-ċirkolazzjoni tal-abbozz tad-dokument tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji;

(k)

djalogu dwar l-abbozz tad-dokument tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji;

(l)

tintlaħaq deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

(m)

il-komunikazzjoni tal-konklużjoni tad-deċiżjoni konġunta lill-impriża prinċipali fl-Unjoni flimkien ma' sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp.

3.   L-iskeda ta' żmien:

(a)

tirrifletti l-ambitu u l-kumplessità ta' kull stadju tal-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti;

(b)

tqis l-iskeda ta' żmien ta' deċiżjonijiet konġunti oħrajn organizzati fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(c)

tqis, kemm jista' jkun, l-iskeda ta' żmien ta' deċiżjonijiet konġunti oħrajn organizzati fil-kulleġġ superviżorju rilevanti, b'mod partikolari l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rieżami u l-valutazzjoni tal-pjan ta' rkupru tal-grupp skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 62

L-elementi tal-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta

1.   Meta jabbozzaw l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet involuti jew l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, meta taġixxi waħedha, iqisu l-Artikoli 16(3) u 17(2) tad-Direttiva 2014/59/UE dwar il-bżonn ta' valutazzjoni simultanja tar-riżolvibbiltà u s-sospensjoni tal-proċess sabiex jiġu indirizzati l-impedimenti sostantivi u jiżguraw li l-limiti ta' żmien rilevanti pprovduti fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta jiġu aġġustati kif xieraq.

2.   Meta tabbozza l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif stipulati fl-arranġamenti bil-miktub tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u fid-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-aspetti li ġejjin tal-iskeda ta' żmien jiġu kkomunikati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-impriża prinċipali fl-Unjoni:

(a)

data mistennija meta x'aktarx li ssir it-talba tal-informazzjoni meħtieġa għat-tfassil tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u titwettaq il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 61(2)(b) u l-limitu ta' żmien għas-sottomissjoni ta' dik l-informazzjoni skont l-Artikolu 61(2)(c);

(b)

data mistennija għall-organizzazzjoni tad-diskussjoni msemmija fl-Artikolu 61(2)(h), fejn rilevanti;

(c)

data mistennija għall-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 61(2)(m).

Artikolu 63

Djalogu preliminari dwar l-istrateġija tar-riżoluzzjoni

L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp torganizza djalogu preliminari mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji għat-twettiq ta' dawn kollha li ġejjin:

(1)

diskussjoni ta' proposta preliminari fuq l-istrateġija ta' riżoluzzjoni għall-grupp;

(2)

il-verifika ta' jekk hemmx partijiet mill-informazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà li diġà huma disponibbli għal kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti, u l-qsim ta' din l-informazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(3)

l-istabbiliment tal-informazzjoni addizzjonali li se tintalab mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni;

(4)

jintlaħaq qbil fuq kwalunkwe kontribuzzjoni meħtieġa mingħand l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għall-iżvilupp tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u t-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà.

Artikolu 64

Informazzjoni mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp titlob mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni l-informazzjoni meħtieġa kollha skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies l-eżitu tad-djalogu pprovdut fl-Artikolu 63.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika biċ-ċar lill-impriża prinċipali fl-Unjoni liema huma l-entitajiet tal-grupp li għalihom tapplika u magħhom tirrelata din l-informazzjoni, kif ukoll il-limitu ta' żmien għall-forniment tat-tali informazzjoni.

3.   L-impriża prinċipali fl-Unjoni tipprovdi l-informazzjoni mitluba lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-ħin, u mhux iktar tard mil-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 2.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tista' titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-impriża prinċipali fl-Unjoni, kemm qabel ma tibgħat l-informazzjoni lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u, wara, kull meta jkun japplika l-Artikolu 66(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 65

It-trażmissjoni ta' informazzjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, mingħajr dewmien żejjed, tittrażmetti l-informazzjoni li tirċievi skont l-Artikolu 64 lill-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u tistedinhom biex jipprovdu l-kummenti f'limitu speċifiku ta' żmien dwar jekk hemmx bżonn ta' iktar informazzjoni.

2.   Kwalunkwe awtorità li tirċievi informazzjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 1, meta l-awtorità riċeventi tqis li l-informazzjoni addizzjonali hija rilevanti għall-entità jew il-fergħa taħt il-ġurisdizzjoni tagħha għall-fini tal-iżvilupp u ż-żamma tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u t-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 64 ikunu japplikaw kif xieraq.

3.   It-trażmissjoni ta' informazzjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu 2 ma titqisx li tkun saret għalkollox qabel it-trażmissjoni proprja tal-informazzjoni inizjali kif ukoll ta' dik sussegwenti.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, filwaqt li tqis il-paragrafu 3, tikkomunika lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni d-data tal-bidu tal-perjodu ta' erba' xhur biex tintlaħaq id-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà b'konformità mal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jiskambjaw l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-tfassil tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u t-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, soġġetti għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti fl-Artikoli 90 u 98 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 66

L-iżvilupp u ċ-ċirkolazzjoni tal-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jipprovdu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà fil-ħin u dejjem fil-limitu ta' żmien speċifikat fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 61(2)(e).

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżviluppa l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li tqis kwalunkwe kontribuzzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà lill-membri tal-kulleġġ fil-ħin, iżda qatt iktar tard mil-limitu ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 61(2)(f).

Artikolu 67

Konsultazzjoni mal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni

1.   Il-membri tal-kulleġġ ikkonsultati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp jipprovdu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà fil-limitu ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 61(2)(g).

2.   B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmijin fl-Artikoli 115 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE jagħtu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-entitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

3.   Meta xi waħda mill-awtoritajiet tqis li hemm impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà tal-grupp jew ta' kwalunkwe waħda mill-entitajiet tiegħu, tibgħat il-valutazzjoni tagħha lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-ħin u dejjem fil-limitu ta' żmien speċifikat fl-Artikolu 61(2)(g).

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji l-kummenti li tirċievi mingħand membri oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, inklużi l-kummenti dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-entitajiet fil-ġurisdizzjoni tagħhom espressi minn dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 68

Diskussjoni mal-impriża prinċipali fl-Unjoni

Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp torganizza diskussjoni dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mal-impriża prinċipali fl-Unjoni skont l-Artikolu 61(2)(h) hija tagħmel dan fil-ħin u dejjem fil-limiti ta' żmien speċifikati fl-istadju rilevanti tal-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti. L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji kwalunkwe osservazzjoni ppreżentata mill-impriża prinċipali fl-Unjoni matul din il-konsultazzjoni.

Artikolu 69

Djalogu dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp torganizza djalogu dwar l-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fil-ħin skont l-Artikolu 61(2)(i), madankollu mhux iktar tard mil-limitu ta' żmien speċifikat fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti.

2.   Id-djalogu jinkludi kwistjonijiet marbutin mal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-grupp u jiffaċilita l-identifikazzjoni tal-impedimenti sostantivi possibbli għar-riżolvibbiltà, filwaqt li titqies kwalunkwe osservazzjoni li tippreżenta l-impriża prinċipali fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħarraf lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar il-valutazzjoni proprja tagħha fuq ir-riżolvibbiltà tal-grupp u tqis l-opinjoni ta' membri oħrajn tal-kulleġġ.

3.   Fuq il-bażi tad-djalogu msemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiffinalizza l-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u twettaq il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà. Il-bidliet applikati għall-abbozz tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà jirriflettu l-eżitu tad-djalogu.

4.   Meta jinstabu impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà, japplika l-Artikolu 76(1).

Artikolu 70

L-abbozzar tad-deċiżjoni konġunta dwar pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà. L-abbozz ta' deċiżjoni konġunta jistabbilixxi dawn kollha li ġejjin:

(1)

l-ismijiet tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jieħdu d-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

(2)

l-ismijiet tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti kkonsultati fit-tfassil u l-aġġornament tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u t-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, b'mod partikolari:

(a)

l-ismijiet tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-fergħat sinifikanti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn huma stabbiliti l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1)(c) u (d) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

l-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti msemmijin fl-Artikoli 115 u 116 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

l-ismijiet tal-osservaturi meta dawn l-osservaturi kienu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif osservati fl-arranġamenti bil-miktub;

(3)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet tal-grupp koperti mill-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, u li magħhom hija marbuta u li għalihom tapplika d-deċiżjoni konġunta;

(4)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà;

(5)

id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, ta' kwalunkwe aġġornament rilevanti tagħha;

(6)

il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà inkluż kwalunkwe miżura sabiex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 17(4), (5) u (6) u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/59/UE, li d-deċiżjoni konġunta meħuda tkun soġġetta għaliha. Meta l-impriża prinċipali fl-Unjoni jew kwalunkwe waħda mill-entitajiet tagħha jkunu fil-proċess li jimplimentaw dawn il-miżuri, tiġi pprovduta wkoll l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom;

(7)

sommarju tal-fehmiet li esprimew l-awtoritajiet ikkonsultati fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tiegħu;

(8)

meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA matul il-proċess ta' deċiżjoni konġunta, spjegazzjoni ta' kwalunkwe tbegħid mill-pariri tal-EBA.

Artikolu 71

Ilħuq tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u dwar il-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji mingħajr dewmien filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji sabiex jipprovdu l-qbil tagħhom bil-miktub ma' dik id-deċiżjoni konġunta, li tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni.

2.   Malli jirċievu l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li ma jiddikjarawx li ma jaqblux jibagħtu l-qbil tagħhom bil-miktub lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-paragrafu 1.

3.   Id-deċiżjoni konġunta finali tikkonsisti fid-dokument tad-deċiżjoni konġunta abbozzat skont l-Artikolu 70 u fil-qbil bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u dak tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp mehmuż miegħu u tiġi pprovduta lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jaqblu mad-deċiżjoni konġunta mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat id-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 72

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta u s-sommarju tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp lill-impriża prinċipali fl-Unjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat id-deċiżjoni konġunta u sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp, inkluża l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, lill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali fl-Unjoni fil-ħin u dejjem fl-iskadenza speċifikata fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 61(2)(m).

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħarraf lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar dik il-komunikazzjoni.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tista' tiddiskuti d-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mal-impriża prinċipali fl-Unjoni sabiex tispjega d-dettalji ta' dik id-deċiżjoni.

Subtaqsima 2

Il-proċess fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta dwar pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

Artikolu 73

Nuqqas parzjali ta' qbil

1.   Meta waħda jew iktar mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji ma jaqblux mal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li ma jaqblux skont l-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2014/59/UE isegwu l-istadji kollha msemmijin fl-Artikoli 70, 71 u 72 għall-abbozzar, l-ilħuq u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà.

2.   Id-deċiżjoni konġunta meħuda fuq il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tiġi stabbilita f'dokument li jkun fih il-punti kollha stipulati fl-Artikolu 70.

3.   Ikun inkluż sommarju tal-fehmiet li esprimew l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li kienu involuti fil-proċess inizjali ta' deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tiegħu iżda li ma qablux miegħu. B'mod partikolari, is-sommarju jkun fih referenzi għall-intoppi kollha li wasslu għan-nuqqas ta' qbil.

Artikolu 74

L-elementi tal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fi żmien erba' xhur skont l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tiġi kkomunikata bil-miktub lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni permezz ta' dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(b)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà inkluża kwalunkwe miżura sabiex jiġi indirizzat jew jitneħħa kwalunkwe impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 17(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE, li d-deċiżjoni li ttieħdet tkun soġġetta għalih. Meta l-impriża prinċipali fl-Unjoni tkun fil-proċess li timplimenta dawn il-miżuri, tiġi pprovduta wkoll l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom;

(f)

l-ismijiet tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-osservaturi involuti, skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi, fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, flimkien ma' sommarju tal-fehmiet espressi minn dawk l-awtoritajiet u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet li jwasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(g)

il-kummenti tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar il-fehmiet espressi mill-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar l-intoppi li wasslu għan-nuqqas ta' qbil.

2.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni fi żmien erba' xhur skont l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jfasslu l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni individwali jibagħtu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tieħu d-deċiżjoni;

(b)

l-isem tal-entità jew l-entitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li magħhom hija marbuta jew li għalihom tapplika d-deċiżjoni;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

il-pjan ta' riżoluzzjoni u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tal-entitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom inkluża kwalunkwe miżura sabiex jiġi indirizzat jew jitneħħa kwalunkwe impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 17(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE, li d-deċiżjoni meħuda tkun soġġetta għalih. Meta l-entitajiet ikunu fil-proċess li jimplimentaw dawn il-miżuri, tiġi pprovduta wkoll l-iskeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom;

(f)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp flimkien ma' spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet ta' nuqqas ta' qbil mal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà proposti.

3.   Meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA, id-deċiżjonijiet li ttieħdu fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 13(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE jinkludu spjegazzjoni dwar għaliex ma ġiex segwit il-parir tal-EBA.

Artikolu 75

Il-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fil-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, id-deċiżjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 13(5) u (6) ta' dik id-Direttiva jiġu kkomunikati bil-miktub mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti tas-sussidjarji lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, sa mhux aktar tard mill-iktar data tard fost dawn li ġejjin:

(a)

id-data ta' xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

id-data ta' xahar wara l-għoti ta' kwalunkwe parir mill-EBA wara talba għal konsultazzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

id-data ta' xahar wara kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed mill-EBA skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(5) jew l-Artikolu 13(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew fi kwalunkwe data oħra stabbilita mill-EBA f'deċiżjoni bħal din.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tinnotifika mingħajr dewmien id-deċiżjoni tagħha u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Subtaqsima 3

Deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà

Artikolu 76

Is-sospensoni tal-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   Meta l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tidentifika impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà jew taqbel ma' opinjoni dwar impediment sostantiv identifikat espressa minn xi waħda mill-awtoritajiet ikkonsultati dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tissospendi l-proċess ta' deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u tinnotifika d-deċiżjoni tagħha lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp terġa' tibda tmexxi l-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp inkluż it-twettiq tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà tagħha, malli jitlesta l-proċess ta' deċiżjoni konġunta msemmi fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/59/UE dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà.

Artikolu 77

L-ippjanar tal-istadji tal-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti dwar il-miżuri li jindirizzaw l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà

1.   Qabel ma tibda l-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jaqblu dwar skeda ta' żmien tal-istadji li jridu jiġu segwiti fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti.

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil fuq din l-iskeda ta' żmien, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tistabbilixxi l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti wara li tikkunsidra l-fehmiet u kwalunkwe riżerva li jesprimu l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

2.   L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta tinkludi l-istadji li ġejjin:

(a)

it-tħejjija u ċ-ċirkolazzjoni tar-rapport dwar l-impediment sostantiv identifikat skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/59/UE mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp f'konsultazzjoni mas-superviżur konsolidanti u l-EBA;

(b)

il-preżentazzjoni tar-rapport skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/59/UE mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-impriża prinċipali fl-Unjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji, u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-ġurisdizzjonijiet fejn hemm fergħat importanti;

(c)

id-data li fiha l-impriża prinċipali fl-Unjoni tippreżenta lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp l-osservazzjonijiet u l-miżuri alternattivi tagħha sabiex tirrimedja l-impediment sostantiv, jekk ikun hemm, skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

id-djalogu bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji u membri oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, dwar kwalunkwe osservazzjoni jew miżura alternattiva sabiex tirrimedja l-impediment sostantiv proposta mill-impriża prinċipali fl-Unjoni skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, kif ikun xieraq;

(e)

l-iżvilupp tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà;

(f)

il-finalizzazzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà; kif ukoll

(g)

il-komunikazzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà.

3.   L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta tiġi rieżaminata u aġġornata mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp sabiex tirrifletti l-estensjoni tal-proċess ta' deċiżjoni konġunta meta l-impriża prinċipali fl-Unjoni tippreżenta osservazzjonijiet u tipproponi xi miżura alternattiva li tindirizza jew tneħħi l-impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   Meta tabbozza l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif stipulati fl-arranġamenti bil-miktub tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u fid-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat lill-impriża prinċipali fl-Unjoni dawk l-aspetti tal-iskeda ta' żmien tad-deċiżjoni konġunta li jipprevedu l-involviment tal-impriża prinċipali fl-Unjoni.

Artikolu 78

Il-konsultazzjoni u l-komunikazzjoni tar-rapport

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji abbozz tar-rapport dwar l-impediment sostantiv għar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u tibagħtu lis-superviżur konsolidanti, lill-EBA, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji u tal-ġurisdizzjonijiet fejn hemm fergħat importanti.

Hija tista' tibgħat l-abbozz tar-rapport lil membri u osservaturi oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni wkoll, kif ikun xieraq u b'mod miftiehem u spjegat fl-arranġamenti u l-proċeduri bil-miktub tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

2.   Il-kummenti u l-fehmiet riċevuti jiġu kkunsidrati mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp għall-finijiet ta' finalizzazzjoni tar-rapport. L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi r-raġunijiet kollha b'rabta ma' kwalunkwe tbegħid mill-fehma jew mill-kumment li tagħmel l-EBA jew is-superviżur konsolidanti.

3.   Malli jiġi ffinalizzat, ir-rapport jintbagħat lill-impriża prinċipali fl-Unjoni.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni l-bidu tal-perjodu ta' erba' xhur biex tintlaħaq id-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà.

Artikolu 79

Il-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u konsultazzjoni mal-awtoritajiet

1.   Meta l-impriża prinċipali fl-Unjoni tippreżenta osservazzjonijiet u tipproponi lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, fi żmien erba' xhur mid-data tar-riċevuta tar-rapport skont l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, miżuri alternattivi li jirrimedjaw l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħaddi dawn l-osservazzjonijiet u l-miżuri lil membri oħrajn tal-kulleġġ mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart (10) ijiem.

2.   Skont il-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni l-estensjoni tal-perjodu ta' żmien biex tintlaħaq id-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà b'konformità mal-Artikolu 18(3) u (5) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   Meta tibgħat l-osservazzjonijiet u l-miżuri alternattivi ppreżentati mill-impriża prinċipali fl-Unjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tistabbilixxi limitu ta' żmien għat-tressiq tal-kummenti.

4.   Meta l-awtoritajiet ma jipprovdux il-kummenti tagħhom sal-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 3, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tassumi li dawn l-awtoritajiet ma għandhom ebda kumment x'jagħmlu fuq l-osservazzjonijiet u l-miżuri alternattivi ppreżentati mill-impriża prinċipali fl-Unjoni u tkompli tipproċedi.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi, mill-iktar fis u mingħajr dewmien żejjed, lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji kwalunkwe kumment li jressqu l-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u tiddiskuti magħhom il-miżuri proposti li jindirizzaw l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà.

6.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jiddiskutu u jqisu kif xieraq ukoll l-impatt potenzjali tal-miżuri proposti fuq l-entitajiet kollha li huma parti mill-grupp, fuq l-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp, u fuq l-Unjoni in ġenerali.

Artikolu 80

Abbozzar tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, filwaqt li tqis l-eżitu tad-djalogu skont l-Artikolu 79(5) u (6), kif xieraq, tħejji abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà.

2.   L-abbozz tad-deċiżjoni konġunta jistabbilixxi dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet tal-grupp li għalihom tapplika u li magħhom hija marbuta d-deċiżjoni konġunta;

(b)

l-ismijiet tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jieħdu d-deċiżjoni konġunta;

(c)

l-ismijiet tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u l-ismijiet tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-fergħat importanti li ġew ikkonsultati dwar ir-riżolvibbiltà tal-grupp, dwar il-miżuri li jindirizzaw jew ineħħu impedimenti sostantivi, u dwar l-osservazzjonijiet u l-miżuri alternattivi, jekk jeżistu, imressqa mill-impriża prinċipali fl-Unjoni;

(d)

l-ismijiet tal-osservaturi meta dawn l-osservaturi kienu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif osservati fl-arranġamenti bil-miktub;

(e)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta;

(f)

id-data tad-deċiżjoni konġunta;

(g)

il-miżuri skont l-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE deċiżi mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji u l-perjodu ta' żmien li fih l-entitajiet tal-grupp rispettivi jindirizzaw dawn il-miżuri;

(h)

meta l-miżuri proposti mill-impriża prinċipali fl-Unjoni ma jkunux aċċettati jew jiġu aċċettati f'parti minnhom biss mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji, spjegazzjoni ta' kif il-miżuri proposti mill-impriża prinċipali fl-Unjoni huma vvalutati bħala miżuri li mhumiex xierqa għat-tneħħija tal-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà u kif il-miżuri msemmijin fil-punt (g) inaqqsu jew ineħħu b'mod effettivl-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà;

(i)

sommarju tal-fehmiet li esprimew l-awtoritajiet ikkonsultati fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta;

(j)

meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA matul il-proċess ta' deċiżjoni konġunta, spjegazzjoni ta' kwalunkwe tbegħid mill-pariri tal-EBA.

Artikolu 81

L-ilħuq tad-deċiżjoni konġunta

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar il-miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji mingħajr dewmien filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji sabiex jipprovdu l-qbil tagħhom bil-miktub ma' dik id-deċiżjoni konġunta, li tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni.

2.   Malli jirċievu l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li ma jiddikjarawx li ma jaqblux miegħu jibagħtu l-qbil tagħhom bil-miktub lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1.

3.   Id-deċiżjoni konġunta finali tikkonsisti fid-dokument tad-deċiżjoni konġunta abbozzat skont l-Artikolu 80 u fil-qbil bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u dak tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp mehmuż miegħu u tiġi pprovduta lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jaqblu mad-deċiżjoni konġunta mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika d-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 82

Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat id-deċiżjoni konġunta lill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali fl-Unjoni fil-ħin u dejjem fil-limitu ta' żmien speċifikat fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 77(2)(g). L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħarraf lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar dik il-komunikazzjoni.

2.   Meta wħud mill-miżuri li jittieħdu skont l-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE jkunu indirizzati lil entitajiet speċifiċi tal-grupp għajr l-impriża prinċipali fl-Unjoni, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jipprovdu lill-korpi maniġerjali ta' dawk l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom il-partijiet rispettivi tad-deċiżjoni konġunta dwar il-miżuri li jindirizzaw l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà, fil-ħin u dejjem sal-limitu ta' żmien speċifikat fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 77(2)(g).

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tista' tiddiskuti d-dettalji tal-kontenut u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà mal-impriża prinċipali fl-Unjoni.

4.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jistgħu jiddiskutu d-dettalji tal-kontenut u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjonijiet tagħhom.

Artikolu 83

Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika l-eżitu tad-diskussjoni msemmija fl-Artikolu 82(3), jekk issir, lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jikkomunikaw l-eżitu tad-diskussjoni msemmija fl-Artikolu 82(4), jekk issir, lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jissorveljaw l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà li huma rilevanti għal kull waħda mill-entitajiet li huma responsabbli għalihom rispettivament.

Subtaqsima 4

Il-proċess fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà

Artikolu 84

L-elementi tal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà kif imsemmi fl-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiġi kkomunikata bil-miktub mingħajr dewmien lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni permezz ta' dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp li tieħu d-deċiżjoni;

(b)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni li għaliha tapplika u li magħha hija marbuta d-deċiżjoni;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

il-miżuri skont l-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE deċiżi mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-limitu ta' żmien li fih jiġu indirizzati dawn il-miżuri;

(f)

meta l-miżuri proposti mill-impriża prinċipali fl-Unjoni ma jkunux aċċettati jew jiġu aċċettati f'parti minnhom biss mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, spjegazzjoni ta' kif il-miżuri proposti mill-impriża prinċipali fl-Unjoni huma vvalutati bħala miżuri li mhumiex xierqa għat-tneħħija tal-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà u kif il-miżuri stipulati fil-punt (e) ta' dan il-paragrafu jnaqqsu jew ineħħu b'mod effettiv l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà;

(g)

l-ismijiet tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-osservaturi involuti, skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi, fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar miżuri li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà flimkien ma' sommarju tal-fehmiet espressi minn dawk l-awtoritajiet u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet li jwasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(h)

il-kummenti tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar il-fehmiet espressi mill-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar l-intoppi li wasslu għan-nuqqas ta' qbil.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jiddeċiedu dwar il-miżuri li jridu jieħdu s-sussidjarji fil-livell individwali fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta jibagħtu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li tieħu d-deċiżjoni;

(b)

l-isem tal-entitajiet taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni li magħhom hija marbuta jew li għalihom tapplika d-deċiżjoni;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

il-miżuri skont l-Artikolu 17(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE deċiżi mill-awtorità ta' riżoluzzjoni u l-limitu ta' żmien li fih l-entitajiet rispettivi jindirizzaw dawn il-miżuri;

(f)

meta l-miżuri proposti mis-sussidjarji skont l-Artikolu 17(3) u (4) tad-Direttiva 2014/59/UE ma jkunux aċċettati jew jiġu aċċettati f'parti minnhom biss mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji rispettivament, spjegazzjoni ta' kif il-miżuri proposti minn dawn is-sussidjarji huma vvalutati bħala miżuri li mhumiex xierqa għat-tneħħija tal-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà u kif il-miżuri stipulati fil-punt (e) ta' dan il-paragrafu jnaqqsu jew ineħħu b'mod effettiv l-impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà;

(g)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp flimkien ma' spjegazzjonijiet dwar ir-raġunijiet ta' nuqqas ta' qbil mal-miżuri proposti mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp li jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà.

3.   Meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA, id-deċiżjonijiet li ttieħdu fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta jinkludu spjegazzjoni dwar għaliex ma ġiex segwit il-parir tal-EBA.

Artikolu 85

Il-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fil-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, id-deċiżjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 18(6) u l-Artikolu 18(7) ta' dik id-Direttiva jiġu komunikati bil-miktub mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti tas-sussidjarji lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, sa mhux iktar tard mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data ta' xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/59/UE, kif applikabbli;

(b)

id-data ta' xahar wara l-għoti ta' kwalunkwe parir mill-EBA wara talba għal konsultazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

id-data ta' xahar wara kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed mill-EBA skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(6) jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew fi kwalunkwe data oħra stabbilita mill-EBA f'deċiżjoni bħal din.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika mingħajr dewmien id-deċiżjoni tagħha u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

TAQSIMA III

Il-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

Subtaqsima 1

Il-proċess ta' deċiżjoni konġunta

Artikolu 86

L-ippjanar tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   Qabel ma tinbeda d-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jaqblu dwar skeda ta' żmien tal-istadji li jridu jiġu segwiti f'dak il-proċess (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli”).

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tistabbilixxi l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli wara li tikkunsidra l-fehmiet u r-riżervi li jesprimu l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

Għall-fini tat-teħid b'mod parallel tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi flimkien mal-iżvilupp u l-aġġornament tal-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp kif jirrekjedi l-Artikolu 45(15) tad-Direttiva 2014/59/UE, tkun organizzata l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli filwaqt li tiġi kkunsidrata l-iskeda ta' żmien għad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà.

B'mod partikolari, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jqisu li l-perjodu ta' erba' xhur għat-teħid tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli jibda fl-istess ħin bħad-deċiżjoni konġunta dwar il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp u l-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà.

2.   L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tiġi aġġornata fuq bażi regolari u tal-inqas tinkludi l-istadji li ġejjin:

(a)

preżentazzjoni tal-proposta tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat u tal-entità prinċipali lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji u lis-superviżur konsolidanti;

(b)

preżentazzjoni tal-proposti tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli għall-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom fil-livell individwali lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet kompetenti rispettivi;

(c)

djalogu bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar ir-rekwiżiti minimi proposti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja, kif ukoll mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-ġurisdizzjonijiet fejn huma stabbiliti fergħat sinifikanti;

(d)

tħejjija u preżentazzjoni mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji;

(e)

djalogu dwar l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja mal-impriża prinċipali fl-Unjoni u s-sussidjarji tal-grupp, meta tkun teħtieġ hekk il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru;

(f)

tintlaħaq deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja;

(g)

komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u sussidjarju lill-impriża prinċipali fl-Unjoni.

3.   L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli:

(a)

tirrifletti l-ambitu u l-kumplessità ta' kull stadju tal-proċess tad-deċiżjonijiet konġunti;

(b)

tqis l-iskeda ta' żmien ta' deċiżjonijiet konġunti oħrajn organizzati fil-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(c)

tqis, kemm jista' jkun, l-iskeda ta' żmien ta' deċiżjonijiet konġunti oħrajn organizzati fil-kulleġġ superviżorju rilevanti, b'mod partikolari l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar rekwiżiti prudenzjali speċifiċi għall-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 113 tad-Direttiva 2013/36/UE.

L-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tiġi rieżaminata fid-dawl tal-eżitu tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà u għandha tirriflettih, speċjalment meta dik il-valutazzjoni tirriżulta f'miżuri li jneħħu jew jindirizzaw impedimenti sostantivi għar-riżolvibbiltà li jista' jkollu effett immedjat fuq ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat jew tal-entità.

4.   Meta tabbozza l-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif stipulati fl-arranġamenti bil-miktub tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u fid-dispożizzjonijiet rispettivi tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jikkomunikaw lill-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet li huma responsabbli għalihom rispettivament data indikattiva għad-djalogu msemmi fil-paragrafu 2(e), fejn rilevanti.

6.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jikkomunikaw lill-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet li huma responsabbli għalihom rispettivament data indikattiva għall-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(g).

Artikolu 87

Proposta f'livell konsolidat u tal-impriża prinċipali fl-Unjoni

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji u lis-superviżur konsolidanti l-proposta tagħha dwar:

(a)

ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jrid ikun ssodisfat, f'kull ħin, mill-impriża prinċipali fl-Unjoni, sakemm ma jiġix awtorizzat l-użu ta' rinunzja skont l-Artikolu 45(11) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli applikati f'livell konsolidat.

2.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 tkun motivata, speċjalment fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tindika l-limitu ta' żmien biex tirċievi l-kummenti motivati bil-miktub mis-superviżur konsolidanti, speċjalment fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE. Meta s-superviżur konsolidanti ma jipprovdi ebda kumment fil-limitu ta' żmien stabbilit, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tassumi li s-superviżur konsolidanti ma jkollu ebda kumment dwar il-proposta tagħha skont il-paragrafu 1.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi mill-iktar fis lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji kwalunkwe kumment li jressaq is-superviżur konsolidanti.

Artikolu 88

Il-proposta fil-livell tas-sussidjarji

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jikkomunikaw lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi l-proposta tagħhom dwar ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jrid ikun issodisfat, f'kull ħin, mis-sussidjarji tal-grupp fuq bażi individwali, sakemm ma jiġix awtorizzat l-użu ta' rinunzja skont l-Artikolu 45(12) tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 tkun motivata, speċjalment fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jaqblu mal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u jindikaw limitu ta' żmien biex jirċievu l-kummenti bil-miktub u debitament motivati mingħand l-awtoritajiet kompetenti fil-ġurisdizzjoni tagħhom, speċjalment fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fil-punti minn (a) sa (f) tal-Artikolu 45(6) tad-Direttiva 2014/59/UE. Meta l-awtoritajiet kompetenti ma jipprovdu ebda kumment fil-limitu ta' żmien stabbilit, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji għandhom jassumu li dawn l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom l-ebda kumment dwar il-proposti rispettivi skont il-paragrafu 1.

4.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jipprovdu mill-iktar fis lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp kwalunkwe kumment li jressqu l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 89

Djalogu dwar ir-rekwiżiti minimi proposti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp torganizza djalogu mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar ir-rekwiżiti minimi proposti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jiddiskutu r-rikonċiljazzjoni tar-rekwiżiti minimi proposti għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat kif ukoll ir-rekwiżiti proposti fil-livell prinċipali u ta' kull sussidjarja.

Artikolu 90

L-abbozzar tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja, filwaqt li tqis ir-rinunzji, jekk jintużaw, skont l-Artikolu 45(11) jew (12) tad-Direttiva 2014/59/UE. L-abbozz tad-deċiżjoni konġunta jistabbilixxi dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-ismijiet tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jaslu għad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja;

(b)

l-ismijiet tas-superviżur konsolidanti u awtoritajiet kompetenti oħrajn li ġew ikkonsultati;

(c)

l-ismijiet tal-osservaturi meta dawn l-osservaturi kienu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi kif osservati fl-arranġamenti bil-miktub;

(d)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-entitajiet tal-grupp li għalihom tapplika u li magħhom hija marbuta d-deċiżjoni konġunta;

(e)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-ilħuq tad-deċiżjoni konġunta; referenzi għal kwalunkwe kriterju addizzjonali pprovdut mill-Istat Membru li fuq il-bażi tiegħu jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli;

(f)

id-data tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta, u kull aġġornament rilevanti għal dan;

(g)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(h)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell tal-impriża prinċipali fl-Unjoni, sakemm ma jiġix awtorizzat l-użu ta' rinunzji skont l-Artikolu 45(11) tad-Direttiva 2014/59/UE, u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(i)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell ta' kull sussidjarja fuq bażi individwali, sakemm ma jiġix awtorizzat l-użu ta' rinunzji skont l-Artikolu 45(12) tad-Direttiva 2014/59/UE, u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Meta d-deċiżjoni li tkun marbuta mar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tistabbilixxi li dan huwa parzjalment issodisfat f'livell konsolidat jew individwali għall-impriża prinċipali fl-Unjoni jew kwalunkwe waħda mis-sussidjarji tal-grupp permezz ta' strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna, id-deċiżjoni tinkludi wkoll dettalji li juru s-sodisfazzjon tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li l-istrumenti jikkwalifikaw bħala strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45(14) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 91

L-ilħuq tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji mingħajr dewmien filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien għall-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji sabiex jipprovdu l-qbil tagħhom bil-miktub ma' dik id-deċiżjoni konġunta, li tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi tal-komunikazzjoni.

2.   Malli jirċievu l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li ma jiddikjarawx li ma jaqblux miegħu jibagħtu l-qbil tagħhom bil-miktub lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 1.

3.   Id-deċiżjoni konġunta finali tikkonsisti fid-dokument tad-deċiżjoni konġunta abbozzat skont l-Artikolu 90 u fil-qbil bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu u dak tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp mehmuż miegħu u għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jaqblu mad-deċiżjoni konġunta mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika d-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja.

Artikolu 92

Il-komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat id-deċiżjoni konġunta lill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali fl-Unjoni fil-ħin u dejjem qabel il-limitu ta' żmien speċifikat fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 86(3)(g). L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħarraf lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji dwar din il-komunikazzjoni.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jipprovdu lill-korpi maniġerjali tal-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom il-partijiet rispettivi tad-deċiżjoni konġunta, fil-ħin u dejjem fl-iskadenza speċifikata fl-iskeda ta' żmien tad-deċiżjonijiet konġunti skont l-Artikolu 86(3)(g).

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tista' tiddiskuti d-dettalji tal-kontenut u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta mal-impriża prinċipali fl-Unjoni.

4.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jistgħu jiddiskutu d-dettalji tal-kontenut u l-applikazzjoni tal-partijiet rispettivi tad-deċiżjoni konġunta mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjonijiet tagħhom.

Artikolu 93

Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika l-eżitu tad-diskussjoni msemmija fl-Artikolu 92(3) lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji meta l-impriża prinċipali fl-Unjoni tkun meħtieġa tieħu azzjonijiet speċifiċi sabiex tissodisfa r-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi kkonsolidata jew individwali.

2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jikkomunikaw l-eżitu tad-diskussjoni msemmija fl-Artikolu 92(4) lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp meta s-sussidjarji tal-grupp li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ikunu meħtieġa jieħdu azzjonijiet speċifiċi sabiex jissodisfaw ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi kkonsolidata jew individwali.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tgħaddi l-eżitu tal-proċess imsemmi fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji l-oħrajn.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jissorveljaw l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja, għall-entitajiet kollha tal-grupp soġġetti għad-deċiżjoni konġunta, u fil-livell konsolidat.

Subtaqsima 2

Il-proċess fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta fil-livell konsolidat

Artikolu 94

Deċiżjonijiet konġunti meħudin fil-livell ta' kull sussidjarja fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta f'livell konsolidat

Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta f'livell konsolidat jew tal-entità prinċipali b'konformità mal-Artikolu 45(9) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji jieħdu impenn li jilħqu deċiżjoni konġunta dwar il-livell tar-rekwiżit minimu tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jridu jiġu applikati għal kull sussidjarja rispettiva fil-livell individwali.

Id-deċiżjoni konġunta tqis ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli stabbilit f'livell konsolidat u tal-entità prinċipali mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, u ssegwi l-istadji kollha, għajr dawk li jikkonċernaw l-istabbiliment tar-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat jew tal-entità prinċipali, tal-Artikoli minn 90 sa 93, għall-abbozzar, l-ilħuq, il-komunikazzjoni u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar il-livell tar-rekwiżit minimu tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li jridu jiġu applikati għal kull sussidjarja rispettiva fil-livell individwali.

Artikolu 95

L-elementi tal-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta, id-deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat u tal-entità prinċipali meħuda mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiġi kkomunikata bil-miktub mingħajr dewmien lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni permezz ta' dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(b)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u l-ismijiet ta' entitajiet oħrajn f'dik il-ġurisdizzjoni li għalihom tapplika d-deċiżjoni konġunta;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta u b'mod partikolari referenzi għal kwalunkwe kriterju addizzjonali pprovdut mill-Istat Membru, fejn hija awtorizzata l-impriża prinċipali fl-Unjoni, li fuq il-bażi tiegħu jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(f)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell tal-impriża prinċipali fl-Unjoni, sakemm ma jiġix awtorizzat l-użu ta' rinunzji skont l-Artikolu 45(11), u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(g)

l-ismijiet tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-osservaturi involuti, skont il-patti u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-osservaturi, fil-proċess ta' deċiżjoni konġunta, flimkien ma' sommarju tal-fehmiet espressi minn dawk l-awtoritajiet u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet li jwasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(h)

il-kummenti tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar il-fehmiet espressi mill-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari dwar l-intoppi li wasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(i)

meta d-deċiżjoni li tkun marbuta mar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tipprevedi li tali rekwiżit ikun parzjalment issodisfat f'livell konsolidat jew individwali għall-impriża prinċipali fl-Unjoni permezz ta' strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna, id-deċiżjoni tinkludi wkoll dettalji li juru s-sodisfazzjon tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp li l-istrumenti jikkwalifikaw bħala strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45(14) tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess dwar ir-rekwiżit minimu tal-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell individwali jibagħtu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dokument li jkun fih l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarja li tieħu d-deċiżjoni;

(b)

l-isem tas-sussidjarja tal-grupp taħt il-ġurisdizzjoni tagħha għaliha tapplika u li magħha hija marbuta d-deċiżjoni;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta u b'mod partikolari referenzi għal kwalunkwe kriterju addizzjonali pprovdut mill-Istati Membri, fejn huma awtorizzati dawk is-sussidjarji tal-grupp, li fuq il-bażi tiegħu jiġi stabbilit ir-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli;

(d)

id-data tad-deċiżjoni;

(e)

ir-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli li għandu jiġi applikat għas-sussidjarja f'livell individwali, u limitu ta' żmien biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli, flimkien ma' raġunijiet xierqa għall-istabbiliment tar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'dak il-livell fir-rigward tal-kriterji ta' valutazzjoni msemmijin fl-Artikolu 45(6) minn (a) sa (f) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(f)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp flimkien ma' sommarju tal-fehmiet li esprimiet u l-informazzjoni dwar kwistjonijiet li jwasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(g)

il-kummenti tal-awtorità ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarja dwar il-fehmiet espressi mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, b'mod partikolari dwar l-intoppi li wasslu għan-nuqqas ta' qbil;

(h)

meta d-deċiżjoni li tkun marbuta mar-rekwiżit minimu dwar il-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli tipprevedi li tali rekwiżit ikun parzjalment issodisfat fil-livell tas-sussidjarji permezz ta' strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna, id-deċiżjoni tinkludi wkoll dettalji li juru s-sodisfazzjon tal-awtorità ta' riżoluzzjoni rispettiva tas-sussidjarja li l-istrumenti jikkwalifikaw bħala strumenti ta' rikapitalizzazzjoni interna kuntrattwali b'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 45(14) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   Meta tkun ġiet ikkonsultata l-EBA, id-deċiżjonijiet li ttieħdu fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta jinkludu spjegazzjoni dwar għaliex ma ġiex segwit il-parir tal-EBA.

Artikolu 96

Il-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta

1.   Fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli f'livell konsolidat, prinċipali u ta' kull sussidjarja bejn l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji fil-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 45(9) jew (10) tad-Direttiva 2014/59/UE, id-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu jiġu kkomunikati bil-miktub mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti tas-sussidjarji lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, sa mhux iktar tard mid-dati li ġejjin:

(a)

id-data ta' xahar wara l-iskadenza tal-perjodu ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 45(9) jew (10) tad-Direttiva 2014/59/UE, kif applikabbli;

(b)

id-data ta' xahar wara l-għoti ta' kwalunkwe parir mill-EBA wara talba għal konsultazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

id-data ta' xahar wara kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed mill-EBA skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(9) jew il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 45(10) tad-Direttiva 2014/59/UE, jew fi kwalunkwe data oħra stabbilita mill-EBA f'deċiżjoni bħal din.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkomunika mingħajr dewmien id-deċiżjoni tagħha u d-deċiżjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

TAQSIMA IV

Riżoluzzjoni ta' grupp transfruntier

Subtaqsima 1

Deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp skont l-Artikoli 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE

Artikolu 97

Il-proċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

Il-proċess għall-valutazzjoni tal-ħtieġa għal skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp jinvolvi l-implimentazzjoni tal-istadji li ġejjin:

(1)

djalogu, meta possibbli, fuq il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp u għall-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti ta' finanzjament;

(2)

abbozz tal-valutazzjoni jew l-abbozz tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u komunikazzjoni lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(3)

konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-valutazzjoni jew l-abbozz tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp fost il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(4)

finalizzazzjoni tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp u komunikazzjoni lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 98

Djalogu dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-punt (a) jew (h) tal-Artikolu 81(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tieħu impenn li torganizza djalogu skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu li tal-inqas jinvolvi lil dawk il-membri tal-kulleġġ li huma l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-informazzjoni li ġejja lill-membri:

(a)

in-notifika riċevuta;

(b)

il-proposta tagħha dwar is-suġġetti msemmijin fil-paragrafu 3;

(c)

il-limitu ta' żmien sa meta għandu jkun konkluż id-djalogu.

3.   Id-djalogu jkun jikkonċerna dan li ġej:

(a)

jekk, b'konformità mal-Artikolu 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE, ir-riżoluzzjoni tas-sussidjarja, jew tal-impriża prinċipali fl-Unjoni, rispettivament, ikollhiex dimensjonijiet ta' grupp jew tkunx teħtieġ li titfassal skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(b)

jekk il-pjan ta' finanzjament ikunx ibbażat fuq il-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti ta' finanzjament nazzjonali skont l-Artikolu 107 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 99

It-tħejjija u l-komunikazzjoni tal-abbozz tal-valutazzjoni jew l-abbozz tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Għall-finijiet ta' valutazzjoni tal-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp fil-kuntest tal-paragrafi minn 1 sa 4 tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji l-abbozz tal-valutazzjoni tagħha wara li tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 91(1) ta' dik id-Direttiva.

2.   Għall-finijiet ta' deċiżjoni li ma hemmx bżonn skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp kif imsemmi fl-Artikolu 92 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji l-abbozz tad-deċiżjoni tagħha wara li tivvaluta li l-impriża prinċipali fl-Unjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 32 u 33 ta' dik id-Direttiva u li l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet imsemmijin fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 92(1) tad-Direttiva 2014/59/UE ma tapplika.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tqis l-eżitu tad-djalogu, meta applikabbli, għat-tħejjija tal-abbozz tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi l-abbozz tal-valutazzjoni jew id-deċiżjoni tagħha lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni filwaqt li tagħti:

(a)

għall-finijiet tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/59/UE, l-opinjoni tagħha dwar l-impatt probabbli tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni notifikati jew tal-miżuri ta' insolvenza dwar il-grupp u dwar l-entitajiet tal-grupp fi Stati Membri oħrajn u, b'mod partikolari, jekk l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew il-miżuri l-oħrajn jagħmluhiex probabbli li l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jkunu ssodisfati b'rabta ma' entità tal-grupp fi Stat Membru ieħor;

(b)

għall-finijiet tal-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-opinjoni tagħha dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà ta' kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet għal skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp kif imsemmijin fl-Artikolu 92(1) ta' dik id-Direttiva filwaqt li tqis il-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu;

(c)

l-opinjoni tagħha dwar il-ħtieġa ta' mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti ta' finanzjament għall-finijiet tal-pjan ta' finanzjament skont l-Artikolu 107 tad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tehmeż mal-abbozz tal-valutazzjoni jew id-deċiżjoni tagħha l-informazzjoni materjali rilevanti kollha, li tkun irċiviet skont l-Artikolu 81, 82, 91 jew 92 tad-Direttiva 2014/59/UE u tistabbilixxi limitu ta' żmien ċar li sa dan il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni jesprimu t-tħassib jew il-fehmiet li jvarjaw mill-abbozz tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni.

6.   L-abbozz tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni jitħejja u jiġi kkomunikat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, mingħajr dewmien żejjed u, fejn applikabbli, b'rispett tal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 100

Konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni li jirċievu l-abbozz tal-valutazzjoni jew l-abbozz tad-deċiżjoni jesprimu l-fehmiet diverġenti jew it-tħassib materjali tagħhom, jekk ikollhom.

2.   Il-fehmiet diverġenti u t-tħassib materjali jkunu stabbiliti ċari bil-miktub, u mbagħad jistgħu jiġu mressqa f'format elettroniku, u jkunu debitament motivati.

3.   Il-fehmiet diverġenti u t-tħassib materjali jiġu espressi biss, mingħajr dewmien żejjed filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-urġenza tas-sitwazzjoni u sal-limitu ta' żmien stabbilit.

4.   Malli jiskadi l-limitu ta' żmien, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tassumi li l-membri li ma esprimew ebda fehma diverġenti jew tħassib materjali jagħtu l-kunsens tagħhom.

Artikolu 101

Finalizzazzjoni tal-valutazzjoni jew tad-deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Malli jiskadi l-limitu ta' żmien għall-konsultazzjoni, u mingħajr dewmien żejjed fid-dawl tal-limitu ta' żmien stipulat fl-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn applikabbli, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiffinalizza l-valutazzjoni jew id-deċiżjoni tagħha dwar il-ħtieġa ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp.

Il-valutazzjoni jew id-deċiżjoni finali tinkludi wkoll opinjoni dwar il-ħtieġa ta' mutwalizzazzjoni ta' arranġamenti ta' finanzjament nazzjonali għall-finijiet tal-pjan ta' finanzjament skont l-Artikolu 107 tad-Direttiva 2014/59/UE u tqis it-tħassib u l-fehmiet diverġenti espressi matul il-konsultazzjoni bl-emendi, kif xieraq.

2.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp tipprovdi r-raġunijiet għall-valutazzjoni jew għad-deċiżjoni li ma hemmx bżonn skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp biss jekk matul il-konsultazzjoni jkunu tqajmu fehmiet diverġenti u tħassib materjali.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi spjegazzjoni dwar għaliex il-valutazzjoni finali ma segwietx dak li rrakkomandat l-EBA, jekk tkun ġiet ikkonsultata.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, mingħajr dewmien żejjed, tikkomunika l-valutazzjoni jew id-deċiżjoni finali tagħha lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni involuti fil-proċess.

5.   Fejn tqis li hemm bżonn ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tista' tiddeċiedi li ma tikkomunikax il-valutazzjoni jew id-deċiżjoni finali tagħha kif stipulat fil-paragrafu 4 u tkompli billi tapplika l-proċedura għat-tħejjija tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp li hija stabbilita fl-Artikolu 102.

Subtaqsima 2

Il-proċess ta' deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

Artikolu 102

Il-proċess tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

Il-proċess sabiex tintlaħaq deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp proposta fl-Artikolu 91(4) jew l-Artikolu 92(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jinvolvi l-implimentazzjoni tal-istadji li ġejjin:

(1)

it-tħejjija tal-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-komunikazzjoni lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(2)

il-konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp tal-inqas bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-entitajiet koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(3)

it-tħejjija u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(4)

il-finalizzazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp skont l-Artikolu 91(7) jew l-Artikolu 92(3) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(5)

il-komunikazzjoni tal-eżitu tad-deċiżjoni konġunta lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 103

It-tħejjija u l-komunikazzjoni tal-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   L-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp jitfassal mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2014/59/UE u tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tal-miżuri, jekk hemm, li jridu jiġu implimentati sabiex jiġi żgurat li l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp tista' titħaddem;

(b)

deskrizzjoni tal-prekundizzjonijiet legali jew regolatorji li jridu jiġu ssodisfati, jekk hemm, għat-twettiq tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(c)

il-perjodu ta' żmien għall-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp kif ukoll it-twaqqit u s-sekwenzjar ta' kull azzjoni tar-riżoluzzjoni li trid titwettaq;

(d)

l-allokazzjoni tal-kompiti u r-responsabbiltajiet għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, il-komunikazzjoni esterna u l-komunikazzjoni interna lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni u l-informazzjoni ta' kuntatt tal-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni;

(e)

pjan ta' finanzjament, fuq il-bażi tal-Artikolu 107 tad-Direttiva 2014/59/UE, kif xieraq u fid-dawl tal-ħtieġa ta' mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti ta' finanzjament.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżgura li l-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp jinkludi:

(a)

spjegazzjoni dwar għaliex trid tiġi segwita għażla alternattiva għall-pjan ta' riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/59/UE, inkluż għaliex l-azzjonijiet proposti jitqiesu li jilħqu b'effiċjenza ikbar l-objettivi tar-riżoluzzjoni u l-prinċipji msemmijin fl-Artikoli 31 u 34 ta' dik id-Direttiva mill-istrateġija u l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni pprovduti fil-pjan ta' riżoluzzjoni;

(b)

identifikazzjoni u deskrizzjoni tal-elementi tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp li jitbiegħdu mil-pjan ta' riżoluzzjoni msemmi l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi l-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni, mingħajr dewmien żejjed u b'limitu ta' żmien:

(a)

għall-konsultazzjoni b'konformità mal-Artikolu 104;

(b)

għall-finalizzazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp b'konformità mal-Artikolu 106.

4.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tiżviluppa u tikkomunika l-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp mingħajr dewmien żejjed u filwaqt li tqis il-limiti ta' żmien tal-Artikoli 91 tad-Direttiva 2014/59/UE, fejn applikabbli.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tara li l-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 3 ikunu adegwati għall-awtoritajiet sabiex jesprimu fehemithom filwaqt li jqisu l-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/59/UE, kif applikabbli.

Artikolu 104

Konsultazzjoni dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Il-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni li jirċievu l-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp skont l-Artikolu 103(3) jesprimu l-fehmiet diverġenti jew it-tħassib materjali tagħhom, jekk ikollhom.

2.   Il-fehmiet u t-tħassib materjali diverġenti jistgħu jindirizzaw l-aspetti kollha tal-abbozz tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, inklużi:

(a)

impedimenti, jekk ikun hemm, fil-liġi nazzjonali jew b'xi mod ieħor għat-twettiq tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp skont l-istrateġija u l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni;

(b)

kwalunkwe aġġornament rilevanti għall-informazzjoni mressqa għall-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti ta' finanzjament li tista' tħalli impatt fuq it-twettiq tal-pjan finanzjarju;

(c)

l-impatt tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp jew tal-pjan ta' finanzjament fuq is-sussidjarji koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp fl-Istat Membru rispettiv tagħhom.

3.   Il-fehmiet diverġenti u t-tħassib materjali jkunu stabbiliti ċari bil-miktub, anki f'format elettroniku, u jkunu debitament motivati.

Il-fehmiet diverġenti u t-tħassib materjali jiġu espressi, mingħajr dewmien żejjed filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-urġenza tas-sitwazzjoni u sal-limitu ta' żmien stabbilit fl-Artikolu 103(3).

4.   Malli jiskadi l-limitu ta' żmien, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tassumi li l-membri kollha li ma esprimewx fehma diverġenti jew tħassib qablu mal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp.

Artikolu 105

It-tħejjija u l-komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   Malli jiskadi l-limitu ta' żmien għall-konsultazzjoni, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tħejji l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp skont l-Artikoli 91 u 92 tad-Direttiva 2014/59/UE u, kif applikabbli, l-Artikolu 107 tagħha.

2.   Għall-abbozz tad-deċiżjoni konġunta, l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tikkunsidra u tqis kull tħassib u fehma diverġenti espressi matul il-konsultazzjoni u temenda l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp kif xieraq.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tipprovdi r-raġunijiet dwar:

(a)

kif immaniġġat il-fehmiet diverġenti u t-tħassib materjali espressi mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għall-finijiet tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta;

(b)

għaliex u il-punt sa fejn il-pariri tal-EBA ma ġewx segwiti fl-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, jekk ġiet ikkonsultata l-EBA.

4.   L-abbozz tad-deċiżjoni konġunta jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

l-ismijiet tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni responsabbli għas-sussidjarji koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(b)

l-isem tal-impriża prinċipali fl-Unjoni u lista tal-entitajiet kollha fil-grupp li għalihom tapplika u li magħhom hija marbuta l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(c)

ir-referenzi għal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli relatati mat-tħejjija, l-iffinalizzar u l-applikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(d)

id-data tal-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp;

(e)

l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp finali, inkluża kwalunkwe raġuni jekk tkun meħtieġa skont il-paragrafu 3.

5.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tibgħat l-abbozz tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni tal-grupp mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-entitajiet koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp filwaqt li tistabbilixxi limitu ta' żmien sabiex jibagħtu dikjarazzjoni ta' qbil mad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp.

Artikolu 106

Finalizzazzjoni tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li jirċievu d-deċiżjoni konġunta skont l-Artikolu 105(5) u li ma jiddikjarawx li ma jaqblux magħha jipprovdu lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp evidenza bil-miktub tal-qbil tagħhom, li tista' tintbagħat b'mezzi elettroniċi, qabel il-limitu ta' żmien stabbilit.

2.   Id-deċiżjoni finali dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp tikkonsisti fid-deċiżjoni konġunta finali u l-evidenza bil-miktub tal-qbil mehmuż magħha.

Artikolu 107

Komunikazzjoni tad-deċiżjoni konġunta lill-kulleġġ

1.   Id-deċiżjoni konġunta finali tintbagħat mingħajr dewmien żejjed mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tas-sussidjarji koperti mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp.

2.   Sommarju tad-deċiżjoni konġunta dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp jiġi kkomunikat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp lill-membri tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni.

Subtaqsima 3

Nuqqas ta' ftehim u deċiżjonijiet li jittieħdu fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta

Artikolu 108

Notifika fil-każ ta' nuqqas ta' qbil

1.   Meta awtorità ta' riżoluzzjoni ma taqbilx mal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp proposta mill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp jew tiddevja minnha, jew tqis li għandha bżonn tieħu azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew miżuri indipendenti għal raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja skont l-Artikolu 91(8) u l-Artikolu 92(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, dik l-awtorità ta' riżoluzzjoni tinnotifika lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp dwar in-nuqqas ta' qbil mingħajr dewmien żejjed.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tinkludi dawn li ġejjin:

(a)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni;

(b)

l-isem tal-entità li taqa' taħt il-ġurisdizzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni;

(c)

id-data tan-notifika;

(d)

l-isem tal-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp;

(e)

dikjarazzjoni tal-awtorità ta' riżoluzzjoni dwar in-nuqqas ta' qbil tagħha, jew id-devjazzjoni mill-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp, jew tal-kunsiderazzjoni tagħha li l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jew il-miżuri indipendenti huma adattati għall-entità jew l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha;

(f)

raġuni dettaljata għall-elementi tal-iskema ta' riżoluzzjoni ta' grupp li ma taqbilx magħhom l-awtorità ta' riżoluzzjoni, jew li tiddevja minnhom, jew spjegazzjoni dwar għaliex tqis li azzjoni ta' riżoluzzjoni jew miżuri indipendenti huma adattati;

(g)

deskrizzjoni dettaljata tal-azzjonijiet jew il-miżuri li se tieħu l-awtorità ta' riżoluzzjoni, inklużi t-twaqqit u s-sekwenzjar tal-azzjonijiet.

3.   L-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp tinnotifika lill-membri l-oħrajn tal-kulleġġ ta' riżoluzzjoni dwar in-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 109

Il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet bejn l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li ma jiddikjarawx li ma jaqblux

1.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni li ma jiddikjaraw li ma jaqblux kif stipulat fl-Artikolu 91(9) u l-Artikolu 92(5) tad-Direttiva 2014/59/UE jipproċedu kif stipulat fl-Artikoli 106 u 107 ta' dan ir-Regolament u jikkonkludu deċiżjoni konġunta bejniethom.

2.   Id-deċiżjoni konġunta tinkludi l-elementi kollha msemmijin fl-Artikoli 106 u 107 flimkien mal-informazzjoni riċevuta dwar in-nuqqas ta' qbil skont l-Artikolu 108(2).

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 110

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 173 tat-12.6.2014, p. 149).

(6)  Id-Direttiva 2006/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji, 83/349/KEE dwar kontijiet konsolidati, 86/635/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn u 91/674/KEE dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 224, 16.8.2006, p. 1)

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/98 tas-16 ta' Ottubru 2015 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji sabiex jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ġenerali għall-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri (ĠU L 21 tat-28.1.2016, p. 2).

(9)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/99 tas-16 ta' Ottubru 2015 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta' superviżuri skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 21 tat-28.1.2016, p. 21).