ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 176

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
30 ta' Ġunju 2016


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2016/1035 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti

1

 

*

Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea

21

 

*

Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

55

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/1


REGOLAMENT (UE) 2016/1035 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 385/96 (2) ġie emendat b'mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

In-negozjati multilaterali magħmula taħt l-awspiċju tal-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku wasslu għall-konklużjoni, fil-21 ta' Diċembru 1994, ta' Ftehim li jirrispetta l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni normali fl-industrija kummerċjali ta' bini u tiswija ta' bastimenti (hawn aktar 'il quddiem magħrufa bħala “l-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti”).

(3)

Ġie rikonoxxut fil-qafas tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti li l-karatteristiċi speċjali ta' transazzjonijiet dwar xiri ta' bastimenti għamluha mhux prattiku li jiġu applikati dazji ta' kumpens u anti-dumping, kif previst fl-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ, il-Ftehim dwar Miżuri fuq Sussidji u ta' Kumpens, u l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal- Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994 ('il-Ftehim tal-1994 kontra d-dumping') anness mal-Ftehim li jwaqqaf l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-ħtieġa li jiġu provduti mezzi effettivi ta' protezzjoni kontra bejgħ ta' bastimenti taħt il-valur normali tagħhom li jikkaġuna dannu wassal għall-konklużjoni ta' Kodiċi ta' Prezzijiet Inġurjużi dwar Bini ta' Bastimenti li, flimkien mal-Prinċipji Bażiċi tiegħu, jikkostitwixxi l-Anness III għall-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti (il-“kodiċi IPI”).

(4)

It-test ta' dan l-kodiċi IPI hu primarjament ibbażat fuq il-Ftehim tal-1994 kontra d-dumping, iżda jvarja minn dan il-Ftehim meta meħtieġ min-natura speċifika tat-tranżazzjonijiet dwar xiri ta' bastimenti. Għalhekk, il-lingwa tal-kodiċi IPI għandha tiġi riflessa fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, sakemm hu possibbli abbażi tat-test tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(5)

Il-Ftehim ta' Bini ta' Bastimenti u d-dispożizzjonijiet leġislattivi li joħroġu minnu huma ta' importanza sinifikattiva għal-liġi tal-Unjoni.

(6)

Biex jinżamm il-bilanċ ta' drittijiet u obbligi li l-Ftehim ta' Bini ta' Bastimenti jistabbilixxi, għandha tittieħed azzjoni mill-Unjoni kontra kull bastiment li jkun prezzat ħażin, li l-bejgħ tiegħu b'anqas mill-valur normali jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni.

(7)

Fir-rigward ta' bennej tal-bastimenti minn Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti, il-bejgħ ta' bastiment jista' jkun soġġett biss għal investigazzjoni mill-Unjoni meta x-xerrej tal-bastiment ikun xerrej tal-Unjoni, u sakemm il-bastiment ma jkunx bastiment militari.

(8)

Hu mixtieq illi jiġu stabbiliti regoli ċari u dettaljati dwar il-kalkolu ta' valur normali. B'mod partikolari, dak il-valur għandu, meta possibbli, ikun ibbażat fuq bejgħ rappreżentattiv ta' bastiment simili waqt operazzjonijiet kummerċjali normali fil-pajjiż li jesporta. Hu meħtieġ li jiġu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom bejgħ domestiku jista' jiġi kkunsidrat li jkun sar b'telf u jista' ma jittieħedx kont tiegħu, u li dwaru jistgħu jittieħdu miżuri dwar bejgħ ta' bastiment simili lil pajjiż mhux membru, jew għall-valur normali tal-bini. Hu wkoll mixtieq illi jittieħdu miżuri għall-allokazzjoni xierqa ta' spejjeż, anke f'sitwazzjonijiet tal-bidu. Hu wkoll meħtieġ, meta jiġi stabbilit il-valur normali, li tiġi indikata l-metodoloġija li għandha tiġi implimentata sabiex jiġu stabbiliti l-ammonti għal bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u l-ammont ta' profitt li għandu jiġi nkluż f'dak il-valur.

(9)

Sabiex jiġi applikat korrettament l-istrument ġdid biex jiġu miġġieldin prezzijiet inġurjużi, il-Kummissjoni għandha tieħu il-passi kollha meħtieġa biex tassigura, fil-kumpanija u proprjetajiet kbar ta' pajjiżi mhux membri, il-validità ta' ħlasijiet ta' kontabilità meta l-istruttura tal-prezz tal-produzzjoni teħtieġ li tkun stmata.

(10)

Meta wieħed jistabbilixxi valur normali għal pajjiżi li għandhom ekonomija mhux tas-suq, huwa prudenti li jiġu stabbiliti regoli biex jintgħażel il-pajjiż xieraq li għandu ekonomija tas-suq li għandu jintuża għal dak il-għan u, fejn ma jkunx possibbli li jinstab pajjiż mhux membru xieraq, li jara li dak il-valur normali jista' jiġi stabbilit fuq xi bażi oħra raġonevoli.

(11)

Hu meħtieġ li jiġi definit il-prezz tal-esportazzjoni u li jiġu numerati l-aġġustamenti li għandhom isiru f'dawk il-każijiet fejn ir-rikostruzzjoni ta' dak il-prezz mill-ewwel prezz fis-suq miftuħ ikun meqjus xieraq.

(12)

Sabiex jiġi assigurat paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, hu rakkomandat li jiġu elenkati l-fatturi, inklużi penali kuntrattwali, li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragun bejn il-prezzijiet.

(13)

Hu mixtieq li tiġi stabbilita gwida ċara u dettaljata għar-rigward tal-fatturi li jistgħu ikunu rilevanti biex jiġi stabbilit jekk il-bejgħ li jkun ipprezzat b'mod inġurjuż ikunx ikkaġuna dannu materjali jew ikunx qed jhedded li jikkaġuna dannu. Meta wieħed juri li l-livell tal-prezz tal-bejgħ ikkonċernat ikun responsabbli għal dannu li tkun ġarrbet l-industrija tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni għall-effett ta' fatturi oħra u, b'mod partikolari, l-kondizzjonijiet tas-suq li jkunu jipprevalu fl-Unjoni.

(14)

Hu rakkomandat li jiġu definiti l-kliem “industrija tal-Unjoni” b'referenza għall-kapaċità li jinbena bastiment simili u biex jiġi previst li l-partijiet relatati ma' esportaturi jistgħu jiġu esklużi minn dik l-industrija u biex tiġi definita l-kelma “relatat”.

(15)

Hu meħtieġ li jiġu stipulati l-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi biex isir ilment dwar prezzijiet inġurjużi, inkluż sa fejn dan għandu jiġi appoġġat mill-industrija tal-Unjoni, u l-informazzjoni dwar ix-xerrej tal-bastiment, il-prezzijiet inġurjużi, id-dannu u l-kawżali li tali ilment għandu jkollu. Hu wkoll neċessarju li jiġu speċifikati l-proċeduri biex ma jintlaqgħux l-ilmenti jew biex jinbdew il-proċeduri.

(16)

Meta x-xerrej tal-bastiment li jkun ipprezzat b'mod inġurjuż ikun stabbilit fit-territorju ta' Parti Kontraenti oħra għall-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti, ilment jista' jkun fih ukoll talba sabiex tinbeda investigazzjoni mill-awtoritajiet ta' dik il-Parti Kontraenti. Din it-talba għandha tiġi trasmessa lill-awtoritajiet tal-Parti Kontraenti, meta jkun hekk meħtieġ.

(17)

Meta jkun xieraq, tista' wkoll tinbeda investigazzjoni fuq ilment bil-miktub mill-awtoritajiet ta' Parti Kontraenti għall-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti, skont dan ir-Regolament u taħt il-kondizzjonijiet tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti.

(18)

Hu meħtieġ li jiġi stipulati il-mod li permezz tiegħu il-partijiet interessati għandhom jingħataw avviż dwar l-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu. Il-partijiet interessati għandu jkollhom opportunità biżżejjed biex jagħtu x-xhieda rilevanti kollha u biex jissalvagwardaw l-interessi tagħhom. Hu wkoll mixtieq li jiġu stabbiliti b'mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b'mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom partijiet interessati għandhom jidentifikaw lilhom infushom, jippreżentaw il-veduti tagħhom u jissottomettu informazzjoni f'limitu ta' żmien stabbilit, jekk dawk il-veduti u l-informazzjoni għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni. Hu wkoll xieraq li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom parti interessata jista' jkollha aċċess għal, u tikkummenta dwar, informazzjoni mogħtija minn partijiet oħra interessati. Għandu wkoll ikun hemm koperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir ta' informazzjoni.

(19)

Hu meħtieġ li jiġi provdut, illi t-tmiem tal-każijiet għandu, irrispettivament minn jekk ikunx impost jew le l-multa ta' prezzijiet inġurjużi, isir mhux aktar tard minn sena mid-data tal-bidu jew id-data tal-konsenja tal-bastiment, skont il-każ.

(20)

L-investigazzjonijiet jew il-proċeduri għandhom jitlestew meta l-marġini ta' prezzijiet inġurjużi ikun de minimis.

(21)

L-investigazzjoni tista' tiġi mitmuma mingħajr l-impożizzjoni ta' multa fuq il-prezzijiet inġurjużi jekk il-bejgħ tal-bastiment li jkun ipprezzat b'mod inġurjuż ikun definittivament u mingħajr kondizzjoni bla effett jew jekk ikun aċċettat rimedju ekwivalenti alternattiv. Iżda, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali lill-ħtieġa li tiġi evitata theddida għal kisba tal-għan li għalih sar dan ir-Regolament.

(22)

Multa ta' prezzijiet inġurjużi ekwivalenti għall-ammont tal-marġini ta' prezzijiet inġurjużi għandu jiġi impost permezz ta' deċiżjoni dwar il-bennej tal-bastiment li l-bejgħ tal-bastiment li jkun ipprezzat b'mod inġurjuż ikun ikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, meta l-kondizzjonijiet kollha li jinsabu f'dan ir-Regolament ikunu ġew osservati. Għandhom jiġu stabbiliti regoli preċiżi u dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dik id-deċiżjoni, inkluż il-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar attwali tagħha, b'mod partikolari it-teħid ta' miżuri kuntrarji jekk il-bennej tal-bastiment ma jħallasx il-multa ta' prezzijiet inġurjużi fil-limitu taż-żmien applikabbli.

(23)

Hu meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli preċiżi biex fil-portijiet tal-Unjoni, jitneħħa d-dritt lill-bastimenti mibnija minn benneja tal-bastimenti soġġetti għal miżuri kuntrarji, li jgħabbu u jħottu.

(24)

L-obbligazzjoni li jitħallas il-multa prezzijiet inġurjużi jiskadi biss meta dak il-ħlas dovut ikun imħallas jew mat-tmiem tal-perjodu li matulu l-miżuri kuntrarji jkunu applikabbli.

(25)

Kull azzjoni meħuda taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tkun kuntrarja għall-interess tal-Unjoni.

(26)

Meta taġixxi bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha żżomm quddiem għajnejha l-ħtieġa li jkun hemm azzjoni ta' malajr u effettiva.

(27)

Hu meħtieġ li jsiru żjarat ta' verifika sabiex issir verifika tal-informazzjoni mogħtija dwar prezzijiet inġurjużi u dannu, tali żjarat ikunu, iżda, soġġetti għal risposti xierqa għal kwestjonarji li jintlaqgħu.

(28)

Hu meħtieġ li jkun previst li, fejn il-partijiet ma jikkoperawx b'mod sodisfaċenti, tista' tintuża informazzjoni oħra biex jiġu stabbiliti r-riżultati u li dik l-informazzjoni tista' tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku dawn ikkoperaw.

(29)

Għandha ssir dispożizzjoni għat-trattar ta' informazzjoni kunfidenzjali sabiex ma jkunux mikxufa sigrieti kummerċjali.

(30)

Hu essenzjali li ssir dispożizzjoni għall-kxif korrett ta' fatti essenzjali u konsiderazzjonijiet għall-partijiet li jikkwalifikaw għal dak it-trattament u li dak il-kxif isir, b'konsiderazzjoni xierqa għall-proċess ta' deċiżjonijiet fl-Unjoni, f'perjodu ta' żmien li jippermetti lill-partijiet li jiddefendu l-interessi tagħhom.

(31)

L-implimentazzjoni tal-proċeduri previsti f'dak ir-Regolament titlob kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prinċipji u definizzjonijiet

1.   Il-multa għal valutar detrimentali tista' tiġi imposta fuq il-bennej ta' bastiment valutat ħażin li l-bejgħ tiegħu lil xerrej, minbarra xerrej tal-pajjiż li fih il-bastiment joriġina, jikkawża dannu.

2.   Bastiment għandu jiġi kkunsidrat li jkun valutat ħażin jekk il-prezz tal-bastiment mibjugħ ikun anqas mill-prezz komparabbli għal bastiment simili, waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, meta mibjugħ lil xerrej tal-pajjiż li jesporta.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“bastiment” tfisser kull bastiment tal-baħar li jkun jimxi waħdu ta' 100 tunellata gross u aktar, użat għat-trasport ta' oġġetti jew persuni jew biex jaqdi xi servizz speċjalizzat (per eżempju, ice breakers u dredgers) u kull bastiment tal-irmonk ta' 365 kW jew aktar;

(b)

“bastiment simili” tfisser kull bastiment tal-istess għamla, għan u daqs approssimattiv bħall-bastiment in konsiderazzjoni u li jkollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib lil dawk tal-bastiment in konsiderazzjoni;

(c)

“l-istess kategorija ġenerali ta' bastiment” tfisser kull bastiment tal-istess għamla u għan, iżda ta' daqs sinifikament differenti;

(d)

“bejgħ” tkopri l-ħolqien jew trasferiment ta' interess bħala s-sid tal-bastiment, minbarra l-interess bħala s-sid maħluq jew akkwistat unikament għall-għan li jipprovdi garanzija għal self kummerċjali normali;

(e)

“interess bħala sid” jinkludi kull interess kuntrattwali jew ta' proprjetà li jippermetti lill-benefiċjarju jew benefiċjarji ta' dak l-interess li jieħu vantaġġ mill-ħidma tal-bastiment b'mod li sostanzjalment ikun paragunabbli mal-mod li bih il-proprjetarju jista' jibbenefika mill-ħidma tal-bastiment. Biex jiġi stabbilit jekk dak il-paragun sostanzjali jeżistix, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin, fost l-oħrajn:

(i)

il-pattijiet u ċ-ċirkostanzi tat-transazzjoni,

(ii)

prassi kummerċjali fl-industrija,

(iii)

jekk il-bastiment li jkun soġġett għat-transazzjoni jkunx integrat fl-operazzjonijiet tal-benefiċjarju jew benefiċjarji, u

(iv)

jekk fil-prattika hemmx il-probabiltà li l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji ta' dawk l-interessi jieħdux vantaġġ ta', u r-riskju, għall-ħidma tal-bastiment għal parti sinifikattiva tal-ħajja tal-bastiment;

(f)

“xerrej” tfisser kull persuna li, jew kull kumpanija li, takkwista interess bħala sid, inkluż permezz ta' kirja jew bareboat charter fit-tul, flimkien mat-trasferiment oriġinali mill-bennej tal-bastiment, kemm direttament jew indirettament, inkluż persuna li, jew kumpanija li, tkun proprjetarja jew tikkontrolla xerrej, jew li tagħti struzzjonijiet lix-xerrej. Persuna jew kumpanija jkollha l-proprjetà ta' xerrej, meta jkollha interess ta' aktar minn 50 % fix-xerrej. Persuna jew kumpanija tikkontrolla xerrej meta l-persuna jew kumpanija tkun legalment jew operattivament f'pożizzjoni li teżerċita kontroll jew tagħti direzzjoni lil xerrej, liema interess ikun preżunt li jkun ta' 25 %. Jekk jintwera li wieħed huwa s-sid tax-xerrej, ikun preżunt li ma jeżistix kontroll separat tagħha sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor. Jista' jkun hemm aktar minn xerrej wieħed tal-istess bastiment;

(g)

“kumpanija” tfisser kull kumpanija jew intrapriża mwaqqfa taħt il-liġi ċivili jew kummerċjali, inkluż soċjetajiet koperattivi, u persuni legali oħra regolati mil-liġi pubblika jew privata, inkluż dawk li joperaw mhux għal profitt;

(h)

“Parti Kontraenti” tfisser kull pajjiż mhux membru firmatarju għall-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti.

Artikolu 2

Determinazzjoni ta' prezzijiet inġurjużi

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew dovuti, waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, għal bastiment simili minn xerrej indipendenti fil-pajjiż li jesporta.

2.   Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jkollhom ftehim ta' kumpens ma' xulxin jistgħu ma jiġux ikkunsidrati li jkunu waqt operazzjonijiet kummerċjali normali u ma jistgħux jintużaw biex jiġi stabbilit il-valur normali sakemm ikun stabbilit li dawn ma jkunux affettwati bir-relazzjoni.

3.   Meta ma jkunx hemm bejgħ ta' bastimenti simili waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, jew meta, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, dak il-bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali tal-bastiment simili għandu jiġi kalkolat fuq il-bażi tal-prezz tal-esportazzjoni tal-bastiment simili, waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, lil pajjiż li jixraq mhux membru, kemm-il darba dan il-prezz ikun rappreżentattiv. Jekk dak il-bejgħ lil pajjiż li jixraq mhux membru ma jeżistix jew ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali tal-bastimenti simili għandu jiġi kalkulat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini flimkien ma' ammont raġonevoli għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-profitti.

4.   Il-bejgħ ta' bastimenti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew il-bejgħ ta' esportazzjoni lil pajjiż mhux membru, bi prezzijiet inqas mill-ispejjeż ta' produzzjoni tal-unità (fissi jew varjabbli) flimkien ma' bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi jistgħu jitqiesu li ma jkunux waqt operazzjonijiet kummerċjali normali minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqiesux biex jiġi determinat il-valur normali biss, jekk ikun stabbilit li dak il-bejgħ ikun bi prezzijiet li ma jipprovdux għall-irkuprar tal-ispejjeż kollha f'perjodu ta' żmien raġonevoli, li normalment għandu jkun ta' ħames snin.

5.   Spejjeż għandhom normalment jiġu kalkulati fuq il-bażi tar-rekords miżmuma mill-bennej tal-bastiment li jkun qed jiġi investigat, sakemm dawk ir-rekords ikunu skont il-prinċipji tal-kontabilità aċċettati b'mod ġenerali fil-pajjiż in kwistjoni u li jiġi muri li r-rekords jirriflettu b'mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u bejgħ tal-bastiment li jkun qed jiġi kkunsidrat.

Għandha tingħata konsiderazzjoni għal xhieda mogħtija fuq l-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż, kemm-il darba jiġi muri li dawk l-allokazzjonijiet ikunu ġew utilizzati b'mod storiku. Fl-assenza ta' metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza lill-allokazzjoni tal-ispejjeż fuq il-bażi tat-turnover. Sakemm ma jkunux riflessi fl-allokazzjonijiet tal-ispejjeż taħt dan is-sotto-paragrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati b'mod xieraq għal dawk l-ispejjeż ta' darba li jkunu ta' benefiċċju għall-produzzjoni futura u/jew preżenti, jew għal ċirkustanzi li fihom l-ispejjeż ikunu affetwati mill-operazzjonijiet tal-bidu.

6.   L-ammonti għall-bejgħ, għall-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għall-profitti għandhom ikunu bbażati fuq tagħrif attwali dwar produzzjoni u bejgħ, waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, ta' bastimenti simili mill-bennej tal-bastiment li jkun qed jiġi investigat. Meta dawk l-ammonti ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq dik il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta':

(a)

il-medja fil-piż tal-ammonti attwali stabbiliti għal bennejja oħra tal-bastimenti tal-pajjiż ta' oriġini għar-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta' bastimenti simili fis-suq domestiku ta' dak il-pajjiż;

(b)

l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, waqt operazzjonijiet kummerċjali normali, tal-istess kategorija ġenerali ta' bastimenti għall-bennej tal-bastimenti in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini;

(c)

kull metodu ieħor raġonevoli, sakemm l-ammont ta' profitt hekk stabbilit ma jeċċedix il-profitt normalment magħmul minn bennejja tal-bastimenti oħrajn fuq bejgħ ta' bastimenti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż tal-oriġini.

Minbarra dan, il-profitt miżjud biex jiġi stabbilit il-valur għandu, fil-każijiet kollha, ikun ibbażat fuq il-profitt medju magħmul matul perjodu ta' żmien raġonevoli, normalment ta' sitt xhur, kemm qabel u wara l-bejgħ li jkun taħt investigazzjoni u għandu jirrifletti profitt raġonevoli fil-ħin ta' dak il-bejgħ. Meta jsir dak il-kalkolu, għandu jiġi eliminat kull alterazzjoni li tintwera li tirriżulta fi profitt li ma jkunx wieħed raġonevoli fiż-żmien tal-bejgħ.

7.   Minħabba l-vantaġġ ta' żmien li jkun hemm bejn il-kuntratt u l-konsenja tal-bastimenti, il-valur normali m'għandux jinkludi spejjeż attwali li l-bennej tal-bastiment juri li jkunu dovuti għal forza maġġuri u jkunu b'mod sinifikanti 'l fuq miż-żieda tal-ispiża li l-bennej tal-bastiment seta' jantiċipa b'mod raġonevoli u ħa in konsiderazzjoni meta l-pattijiet materjali tal-bejgħ kienu stabbiliti.

8.   Fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li jkollhom ekonomija mhux tas-suq u, b'mod partikolari, dawk li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew valur maħdum f'pajjiż mhux membru li jkollu ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn dak il-pajjiż mhux membru għal pajjiżi oħra, jew għall-Unjoni, jew, fejn dawk mhumiex possibbli, fuq xi bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew dovut fl- Unjoni għall-bastiment simili, li jkun aġġustat kif xieraq, jekk meħtieġ, biex jinkludi marġini ta' profitt raġonevoli.

Pajjiż mhux membru xieraq li jkollu ekonomija tas-suq għandu jintgħażel b'mod raġonevoli, meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni kull informazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha li tkun disponibbli fil-ħin tal-għażla. Wieħed għandu jieħu in konsiderazzjoni wkoll il-limiti taż-żmien.

Il-partijiet għall-investigazzjoni għandhom ikunu nfurmati ftit wara l-bidu tagħha bil-pajjiż mhux membru li jkollu ekonomija tas-suq propost u għandhom jingħataw 10 ijiem biex jikkummentaw.

9.   Il-prezz tal-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew dovut għall-bastiment taħt konsiderazzjoni.

10.   F'każijiet fejn m'hemmx prezz tal-esportazzjoni jew fejn ikun jidher li l-prezz tal-esportazzjoni ma jkunx ta' min jorbot fuqu minħabba ftehim ta' assoċjazzjoni jew ta' kumpens bejn il-bennej tal-bastiment u x-xerrej jew terza persuna, il-prezz tal-esportazzjoni jista' jinħadem fuq il-bażi tal-prezz li bih il-bastiment ikun l-ewwel mibjugħ mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-bastiment ma jkunx mibjugħ mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew ma jkunx mibjugħ mill-ġdid fil-kondizzjoni li fiha kien oriġinarjament mibjugħ, fuq xi bażi raġonevoli.

F'dawn il-każijiet, l-aġġustament għall-ispejjeż kollha, inkluż drittijiet u taxxi, magħmula bejn il-bejgħ oriġinali u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti miżjuda, għandhom isiru sabiex jiġi stabbilit il-prezz għall-esportazzjoni ta' min jorbot fuqu.

L-oġġetti li għalihom għandu jsir aġġustament jinkludu dawk normalment merfugħa mix-xerrej iżda mħallsa minn kull parti, kemm ġewwa jew barra l-Unjoni, li jidher li jkun assoċjat jew li jkollu arranġamenti ta' kumpens mal-bennej tal-bastiment jew ix-xerrej, inkluż it-trasport tas-soltu, l-assigurazzjoni, il-ġarr, it-tgħabbija u spejjeż anċillari, dazji, u taxxi oħra pagabbli fil-pajjiż importatur permezz tax-xiri tal-bastiment, u marġini raġonevoli għall-bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi, u profitt.

11.   Għandu jsir paragun ġust bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fuq l-istess livell ta' kummerċ u għar-rigward ta' bejgħ magħmula kemm jista' jkun fl-istess ħin, li normalment ifisser bejgħ li jsir fi żmien tlett xhur qabel jew wara l-bejgħ li jkun taħt investigazzjoni, jew fl-assenza ta' dak il-bejgħ, kull perjodu xieraq. Għandu jingħata spazju xieraq, f'kull każ skont il-merti tiegħu, għad-differenzi li jaffettwaw il-paragun bejn il-prezzijiet, inkluż id-differenzi fil-kundizzjonjiet u l-pattijiet tal-bejgħ, penali kuntrattwali, tassazzjoni, livell ta' kummerċ, kwantitajiet, karatteristiċi fiżiċi, u kull differenzi oħra li wkoll juru li jaffettwaw il-paragun bejn il-prezzijiet. Meta, fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 10, il-paragun bejn il-prezzijiet ikun ġie affettwat, il-valur normali għandu jiġi stabbilit fil-livell ta' kummerċ ekwivalenti għal-livell ta' kummerċ tal-prezz tal-esportazzjoni stabbilit, jew mogħti l-ispazju kif xieraq, jekk ikun meħtieġ, taħt dan il-paragrafu. Meta jsiru aġġustamenti għandha tiġi evitata kull duplikazzjoni, b'mod partikolari dwar skontijiet u penali kuntrattwali. Meta l-paragun fil-prezz jeħtieġ kambju ta' flus, dan il-kambju għandu jsir permezz tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ, minbarra fejn bejgħ ta' flus barranin f'forward markets ikun marbut direttament mal-export sale involut, għandha tintuża r-rata ta' kambju fil-forward sale. Għall-fini ta' din id-dispożizzjoni, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data li fiha l-pattijiet materjali tal-bejgħ ikunu stabbiliti, normalment id-data tal-kuntratt. Madankollu, jekk il-pattijiet materjali tal-bejgħ ikunu mibdula b'mod sinifikanti f'data oħra, għandha tkun applikata r-rata tal-kambju fid-data tal-bidla. F'dak il-każ, l-aġġustamenti xierqa għandhom isiru biex jieħdu in konsiderazzjoni kull effett mhux raġonevoli fuq il-marġini ta' prezzijiet inġurjużi, dovut unikament għall-bidliet fir-rata tal-kambju bejn id-data oriġinali tal-bejgħ u d-data tal-bidla.

12.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw il-paragun ġust, l-eżistenza ta' marġini ta' prezzijiet inġurjużi għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' paragun bejn il-valur normali ta' medja fil-piż u l-medja fil-piż tal-prezzijiet tal-bejgħ kollu, jew permezz ta' paragun tal-valuri normali individwali u prezzijiet ta' esportazzjoni individwali fuq bażi ta' transazzjoni ma' transazzjoni. Madankollu, il-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-medja fil-piż jista' jkun paragunat mal-prezzijiet tal-bejgħ kollu individwali, jekk ikun hemm differenza sinnifikanti fix-xeħta ta' prezzijiet ta' esportazzjoni bejn ix-xerrejja differenti, reġjuni jew perjodi ta' żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu ma jirriflettux il-qies kollu ta' prezzijiet inġurjużi li jkunu qed jiġu prattikati.

13.   Il-marġini ta' prezzijiet inġurjużi għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jeċċedi l-prezz tal-esportazzjoni. Fejn il-marġini ta' prezzijiet inġurjużi ivarjaw, jista' jiġi stabbilit marġini ta' medju tal-piż tal-prezzijiet.

Artikolu 3

Id-dannu stabbilit

1.   Skont dan ir-Regolament, il-kelma “dannu” għandha, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, titqies li tfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta' dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew ritardar materjali tat-twaqqif ta' dik l-industrija u għandha tiġi nterpretata skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Biex jiġi stabbilit dannu dan għandu jkun ibbażat fuq xhieda pożittiva u għandu jinvolvi eżami oġġettiv ta':

(a)

l-effett tal-bejgħ li jkun anqas mill-valur normali fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal bastimenti simili, u

(b)

l-impatt konsegwenzjali ta' dak il-bejgħ fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-effett tal-bejgħ li jkun anqas mill-valur normali, għandu jittieħed kont ta' jekk ikunx sar qtugħ sinifikanti fil-prezz mill-bejgħ li jkun anqas mill-valur normali meta paragunat mal-prezz ta' bastimenti simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta' dak il-bejgħ ikunx mod ieħor kif ibaxxi l-prezzijiet għal livell sinifikanti jew jipprevjeni żieda fil-prezz li seta' kien hemm, sa livell sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawk il-fatturi ma jista' neċessarjament jagħti gwida deċisiva.

4.   Meta l-bejgħ ta' bastimenti minn aktar minn pajjiż wieħed ikunu soġġetti simultanjament għal investigazzjonijiet dwar prezzijiet inġurjużi, l-effetti ta' dak il-bejgħ għandhom ikunu stmati flimkien biss jekk ikun stabbilit li:

(a)

il-marġini ta' prezzijiet inġurjużi stabbilit f'relazzjoni għall-bejgħ minn kull pajjiż ikun aktar mill-minimu definit fl-Artikolu 7(3); u

(b)

stima kumulattiva tal-effetti tal-bejgħ tkun xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn bastimenti mibjugħa minn bennejja tal-bastimenti mhux tal-Unjoni lix-xerrej u l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn dawk il-bastimenti u bastimenti simili tal-Unjoni.

5.   L-eżami tal-impatt tal-bejgħ b'valur inqas minn dak normali fuq l-industrija tal-Unjoni interessata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi li jkollhom piż fuq l-istat tal-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija tkun għadha fil-proċess li tirkupra mill-effetti ta' dumping tal-passat, prezzijiet inġurjużi jew sussidjar, il-kobor tal-marġini attwali ta' prezzijiet inġurjużi, tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, profitti, output, sehem mis-suq, produttività, dħul mill-investimenti u t-tħaddim tal-kapaċità, fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni, effetti negattivi attwali u potenzjali fuq id-dħul u l-ħruġ, inventarji, impjiegi, pagi, tkabbir, kapaċità li wieħed ikabbar il-kapital jew l-investimenti. Din il-lista mhix waħda eżawrjenti, lanqas jista' wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi neċessarjament jagħti gwida deċisiva.

6.   Irid jintwera, mix-xhieda rilevanti kollha mogħtija skont il-paragrafu 2, li l-bejgħ b'anqas mill-valur normali jkun qed jikkawża, jew ikun ikkawża, dannu skont it-tifsira ta' dan ir-Regolament. B'mod speċifiku, dak għandu jinkludi t-turija li l-livelli ta' prezz identifikat skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif provdut fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa livell li jippermettilu li jiġi klassifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa minbarra l-bejgħ b'valur anqas minn normal li fl-istess ħin ikunu qed jinġurjaw lill-industrija tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiġi assigurat li d-dannu kaġunat minn dawk il-fatturi l-oħra ma jkunx attribwit lill-bejgħ b'valur anqas minn normal taħt il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dak ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet tal-bejgħ minn bennejja tal-bastimenti ta' pajjiżi minbarra l-pajjiż esportatur, li ma jsirx b'anqas mill-valur normali, tnaqqis fid-domanda jew bidliet fix-xeħtiet tal-konsum, prassi restrittivi ta' kummerċ ta', u kompetizzjoni bejn, pajjiż mhux membru u produtturi tal-Unjoni, żviluppi fit-teknoloġija u l-andament tal-esportazzjoni u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni.

8.   L-effett tal-bejgħ b'anqas mill-valur normali għandu jiġi stmat fil-konfront tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta' bastimenti simili meta t-tagħrif disponibbli jippermetti l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta' kriterji bħalma huma l-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ u l-profitti tal-produtturi. Jekk dik l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti tal-bejgħ b'anqas mill-valur normali għandhom jiġu stmati permezz ta' eżami tal-produzzjoni tal-inqas grupp jew varjetà ta' bastimenti, li tinkludi l-bastiment simili, li dwaru tista' tingħata l-informazzjoni meħtieġa.

9.   Theddida ta' dannu materjali għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' fatti u mhux sempliċiment fuq allegazzjoni, ħsieb jew possibiltà remota. Il-bidla fiċ-ċirkostanzi li tista' toħloq sitwazzjoni fejn il-bejgħ b'anqas mill-valur normali jista' jikkawża dannu trid tkun ġiet prevista b'mod ċar u trid tkun imminenti.

Biex wieħed jistabbilixxi l-eżistenza ta' theddida ta' dannu materjali, wieħed għandu jieħu konsiderazzjoni ta' fatturi bħal:

(a)

jekk hemmx kapaċità suffiċjentement u liberament disponibbli min-naħa tal-bennej tal-bastiment jew żieda imminenti u sostanzjali f'dik il-kapaċità li tindika l-possibiltà ta' żieda sostanzjali fil-bejgħ b'anqas mill-valur normali, meta wieħed jieħu kont tad-disponibiltà ta' swieq oħra ta' esportazzjoni biex jassorbixxu kull esportazzjoni addizzjonali;

(b)

jekk bastimenti jkunux qed jiġu esportati bi prezzijiet li jistgħu, sa livell sinifikanti, ibaxxu l-prezzijiet jew jipprevjenu żidiet fil-prezz, illi kieku kienu jiġru, u li probabilment jistgħu iżidu t-talba għal aktar xiri minn pajjiżi oħra.

L-ebda wieħed mill-fatturi elenkati hawn fuq ma jista' waħdu neċessarjament jagħti gwida deċiżiva, iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandhom ikunu tali li jwasslu għall-konklużjoni li aktar bejgħ b'anqas mill-valur normali huwa iminenti u li, sakemm ma tittieħedx azzjoni ta' protezzjoni, id-dannu materjali se jseħħ.

Artikolu 4

Tifsir ta' industrija tal-Unjoni

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kliem “industrija tal-Unjoni” għandhom jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-produtturi kollha tal-Unjoni li huma kapaċi li jipproduċu bastiment simili bil-faċilitajiet preżenti tagħhom jew li l-faċilitajiet tagħhom jistgħu jiġu adattati b'mod spedjenti sabiex jipproduċu bastiment simili, jew għal dawk minnhom li l-kapaċità kollettiva tagħhom li jipproduċu bastiment tikkostitwixxi proporzjon qawwi, kif imfisser fl-Artikolu 5(6), tal-kapaċità totali tal-Unjoni li jipproduċu bastiment simili. Iżda, meta produtturi jkunu relatati ma' bennej ta' bastiment, esportaturi jew xerrejja, jew ikunu huma nfushom xerrejja ta' bastiment li allegatament ikun ipprezzat b'mod inġurjuż, il-kliem “industrija tal-Unjoni” jistgħu jiġu interpretati li jirreferu għall-produtturi l-oħra.

2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, produtturi jitqiesu li jkunu relatati ma' bennej ta' bastiment, esportaturi jew xerrejja biss jekk:

(a)

wieħed minnhom jikkontrolla lill-ieħor direttament jew indirettament;

(b)

it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament kontrollati minn terza persuna; jew

(c)

flimkien huma jikkontrollow terza persuna direttament jew indirettament, sakemm ikun hemm bażi biex jemmnu jew jissusspettaw li l-effett tar-relazzjoni tkun tali li tikkawża lill-produttur interessat biex jaġixxi b'mod differenti minn produtturi mhux relatati.

Għall-fini ta' dan il-paragrafu, wieħed jitqies li jikkontrolla lil ħaddieħor meta tal-ewwel ikun legalment jew minħabba l-operat, f'pożizzjoni li jeżerċita impożizzjoni biex ma jitħalliex jagħmel jew jagħti direzzjoni fuq tal-aħħar.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Bidu tal-proċeduri

1.   Minbarra kif provdut fil-paragrafu 8, l-investigazzjoni biex tiġi stabbilita l-eżistenza, il-kobor u l-effett ta' xi allegat prezzijiet inġurjużi għandha tinbeda wara lment bil-miktub minn xi persuna naturali jew legali, jew xi assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità legali, li taġixxi għan-nom tal-industrija tal-Unjoni.

L-ilment jista' jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni jew lil Stat Membru, li għandha tgħaddih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri kopja ta' kull ilment li tirċievi. L-ilment għandu jitqies li jkun magħmul fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara li dan jingħata lill-Kummissjoni permezz ta' ittra reġistrata jew il-ħruġ ta' ammissjoni li wasal mill-Kummissjoni.

Meta, fin-nuqqas ta' xi lment, Stat Membru jkollu xhieda suffiċjenti ta' prezzijiet inġurjużi u ta' dannu b'riżultat ta' dan lill-industrija tal-Unjoni, dan għandu minnufih jikkomunika dik ix-xhieda lill-Kummissjoni.

2.   Ilment taħt il-paragrafu 1 għandu jiġi reġistrat mhux aktar tard minn:

(a)

sitt xhur miż-żmien li fih min jagħmel l-ilment kien jaf, jew seta' kien jaf, bil-bejgħ tal-bastiment, meta:

(i)

min jagħmel l-ilment kien mistieden li jitfa' offerta fuq il-kuntratt in kwistjoni permezz ta' broad multiple bid jew xi proċess ieħor ta' offerti;

(ii)

min jagħmel l-ilment ikun attwalment tefa' offerta; u

(iii)

l-offerta ta' dak li jagħmel l-ilment tkun sostanzjalment sodisfat il-kondizzjonijiet tal-offerta;

(b)

disa' xhur miż-żmien li fih min jagħmel l-ilment kien jaf, jew messu kien jaf, bil-bejgħ tal-bastiment fl-assenza ta' sejħa għall-offerti, kemm-il darba avviż dwar intenzjoni biex wieħed japplika, inkluż informazzjoni li b'mod raġonevoli kienet disponibbli għal min jagħmel l-ilment sabiex jidentifika t-transazzjoni kkonċernata, ikun ġie ppreżentat mhux aktar tard minn sitt xhur minn dak iż-żmien lill-Kummissjoni jew Stat Membru.

Fl-ebda każ m'għandu lment jiġi reġistrat aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-konsenja tal-bastiment.

Min jagħmel l-ilment jista' jiġi meqjus li kien jaf bil-bejgħ tal-bastiment miż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-fatt tal-konklużjoni tal-kuntratt, flimkien ma' informazzjoni ġenerali ħafna dwar il-bastiment, fl-istampa kummerċjali internazzjonali.

Għall-fini ta' dan l-Artikolu, broad multiple bid għandha titqies li tfisser offerta li fiha x-xerrej prospettiv jestendi invit li jitfa' offerta għal mill-inqas il-bennejja kollha tal-bastimenti magħrufa lix-xerrej li huma kapaċi li jibnu l-bastiment in kwistjoni.

3.   Ilment taħt paragrafu 1 għandu jkollu evidenza:

(a)

ta' prezzijiet inġurjużi;

(b)

ta' dannu;

(c)

ta' rabta tal-kawża bejn il-bejgħ ipprezzat b'mod inġurjuż u l-allegat dannu; u

(d)

(i)

li, jekk il-bastiment kien mibjugħ permezz ta' offerta multipla fil-wiesgħa, min għamel l-ilment kien mistieden li jitfa' offerta fuq il-kuntratt in kwistjoni, sar hekk, u l-offerta ta' dak li għamel l-ilment b'mod sostanzjali sodisfatt il-kondizzjonijiet (ċioè, data tal-konsenja u l-ħtiġijiet tekniċi); jew

(ii)

li, jekk il-bastiment kien mibjugħ permezz ta' xi proċess ieħor ta' offerti u min għamel l-ilment kien mistieden li jitfa' offerta fuq il-kuntratt in kwistjoni, sar hekk, u l-offerta ta' dak li għamel l-ilment b'mod sostanzjali sodisfatt il-kondizzjonijiet tal-offerta; jew

(iii)

li, fin-nuqqas ta' stedina biex tintefa' offerta minbarra taħt offerta multipla fil-wiesgħa, min għamel l-ilment kien kapaċi li jibni l-bastiment ikkonċernat u, jekk min għamel l-ilment kien jaf, jew messu kien jaf, bix-xiri prospettiv, għamel l-sforzi li jidhru biex jikkonkludi l-bejgħ max-xerrej konsistenti mal-kondizzjonijiet tal-offerta in kwistjoni. Min għamel l-ilment jista' jitqies li kien jaf bix-xiri propost jekk jiġi muri li l-maġġoranza tal-industrija rilevanti għamlet sforzi ma' dak ix-xerrej biex tikkonkludi l-bejgħ tal-bastiment in kwistjoni, jew jekk jiġi muri li l-informazzjoni ġenerali dwar ix-xiri propost kienet disponibbli mingħand sensara, finanzier, soċjetajiet ta' klassifikar, kerreja, assoċjazjonijiet fil-kummerċ, jew entitajiet oħra normalment involuti fi transazzjonijiet dwar bini ta' bastimenti li magħhom min għamel l-ilment kellu kuntatti jew ħidma regolari.

4.   L-ilment għandu jkun fih dik l-informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli għal min jagħmel l-ilment dwar dan li ġej:

(a)

l-identità ta' min jagħmel l-ilment u d-deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-bastiment simili minn min jagħmel l-ilment. Meta lment li jsir bil-miktub ikun għan-nom tal-industrija tal-Unjoni, l-ilment għandu jidentifika l-industrija li għan-nom tagħha jkun sar l-ilment permezz ta' lista tal-produtturi kollha magħrufa tal-Unjoni li kapaċi jibnu bastiment simili u, sakemm ikun possibbli, deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-bastiment simili li jingħata kont tagħhom minn dawk il-produtturi;

(b)

deskrizzjoni sħiħa tal-allegat bastiment ipprezzat b'mod inġurjuż, l-ismijiet tal-pajjiż jew pajjiżi tal-oriġini jew l-esportazzjoni in kwistjoni, l-identità ta' kull esportatur magħruf jew produttur barrani u l-identità tax-xerrej tal-bastiment in kwistjoni;

(c)

il-prezzijiet li bihom dawk il-bastimenti jkunu mibjugħa fis-swieq domestiċi tal-pajjiż jew tal-pajjiżi ta' oriġini jew esportazzjoni (jew, meta xieraq, informazzjoni dwar il-prezzijiet li bihom il-bastimenti jkunu mibjugħa mill-pajjiż jew mill-pajjiżi ta' oriġini lil pajjiż jew lil pajjiżi mhux membri jew il-valur tal-bini tal-bastiment) u l-informazzjoni dwar prezzijiet ta' esportazzjoni jew, meta xieraq, dwar il-prezzijiet li bihom dak il-bastimenti jkunu l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti;

(d)

l-effett tal-bejgħ bi prezz inġurjuż fuq il-prezzijiet tal-bastiment simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenzjali tal-bejgħ fuq l-industrija tal-Unjoni, kif muri b'fatturi u indiċi rilevanti li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal ma huma dawk elenkati fl-Artikolu 3(3) u (5).

5.   Il-Kummissjoni għandha, sa fejn hu possibbli, teżamina l-eżattezza u s-suffiċjenza tax-xhieda provduta fl-ilment biex tiddetermina jekk ikunx hemm xhieda suffiċjenti li tiġġustifika li tinbeda investigazzjoni.

6.   Investigazzjoni m'għandhiex tinbeda skont il-paragrafu 1 jekk ma jkunx stabbilit, fuq il-bażi ta' eżami tal-kobor tal-appoġġ lil, jew oppożizzjoni lil, ilment espress mill-produtturi tal-Unjoni li kapaċi jibnu l-bastiment simili, li l-ilment ikun sar minn, jew għan-nom, tal-industrija tal-Unjoni. L-ilment għandu jitqies li jkun sar minn, jew għan-nom, tal-industrija tal-Unjoni jekk dan ikun appoġġat minn dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-kapaċità kollettiva tagħhom li jibnu l-bastiment simili tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-kapaċità totali ta' dik il-porzjon tal-industrija tal-Unjoni li turi jew appoġġ lil jew oppożizzjoni għall-ilment. Madankollu, m'għandha tinbeda l-ebda investigazzjoni meta l-produtturi tal-Unjoni li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal anqas minn 25 % tal-kapaċità totali tal-produtturi tal-Unjoni li kapaċi jipproduċu l-bastiment simili.

7.   L-awtoritajiet għandhom jevitaw, sakemm ma tittieħedx deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, kull pubbliċità tal-ilment li jkollu l-għan li tinbeda investigazzjoni. Madankollu, qabel ma wieħed jibda biex jagħmel investigazzjoni, il-gvern tal-pajjiż esportatur interessat għandu jkun notifikat.

8.   Jekk, f'ċirkostanzi speċjali, jkun deċiż li tinbeda investigazzjoni mingħajr ma jkun ġie riċevut l-ebda lment bil-miktub minn, jew għan-nom, tal-industrija tal-Unjoni sabiex tinbeda dik l-investigazzjoni, dan għandu jsir fuq il-bażi ta' xhieda suffiċjenti ta' prezzijiet inġurjużi, dannu u rabta tal-kawża, u li membru tal-industrija tal-Unjoni allegatament inġurjata, ikun issodisfa l-kriterji msemmija fil-paragrafu 3(d), li jiġġustifika dak il-bidu.

Meta jkun xieraq, investigazzjoni tista' wkoll tinbeda fuq ilment bil-miktub mill-awtoritajiet ta' Parti Kontraenti. Dak l-ilment għandu jkun appoġġat minn evidenza suffiċjenti li turi li bastiment ikun qiegħed, jew kien, ipprezzat b'mod inġurjuż u li l-allegat bejgħ lil xerrej tal-Unjoni b'anqas mill-valur normali jkun qed jikkawża, jew ikun ikkawża, dannu lill-industrija domestika tal-Parti Kontraenti kkonċernata.

9.   Ix-xhieda kemm ta' prezzijiet inġurjużi u dannu għandhom jiġu kkunsidrati fl-istess waqt fid-deċiżjoni dwar jekk tinbediex jew le investigazzjoni. Ilment m'għandux jiġi milqugħ meta ma jkunx hemm evidenza biżżejjed kemm ta' prezzijiet inġurjużi jew ta' dannu li jiġġustifika li l-każ ikompli.

10.   L-ilment jista' jiġi rtirat qabel jinbdew il-proċeduri, f'liema każ, dan għandu jitqies li ma sarx.

11.   Fejn ikun jidher lill-Kummissjoni li hemm evidenza biżżejjed li tiġġustifika l-bidu ta' proċeduri, hija għandha tagħmel hekk fi żmien 45 ġurnata mid-data li fiha jkun sar l-ilment, jew, fil-każ ta' bidu skont il-paragrafu 8, mhux aktar tard minn sitt xhur miż-żmien li fih il-bejgħ tal-bastiment kien magħruf jew kellu jkun magħruf, u għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata biżżejjed evidenza, min jagħmel l-ilment għandu jkun infurmat dwar dan fi żmien 45 jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tkun iddeterminat li hemm ħtieġa li tagħti bidu għal tali proċeduri.

12.   L-avviż dwar il-bidu ta' proċeduri għandu javża l-bidu tal-investigazzjoni, jindika l-isem u l-pajjiż tal-bennej tal-bastiment u x-xerrej jew ix-xerrejja u deskrizzjoni tal-bastiment in kwistjoni, jagħti sunt tal-informazzjoni li tkun riċevuta, u jipprovdi sabiex kull informazzjoni rilevanti tkun ikkomunikata lill-Kummissjoni.

Dan għandu jiddikjara l-perjodi li fihom il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufin, jippreżentaw il-veduti tagħhom bil-miktub u jagħtu l-informazzjoni, jekk dawk il-veduti u l-informazzjoni għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni matul l-investigazzjoni. Dan għandu wkoll jiddikjara l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(5).

13.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, ix-xerrej jew ix-xerrejja tal-bastiment u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-produtturi, l-esportaturi u x-xerrejja ta' dawk il-bastimenti li tkun taf li jkunu nteressati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż li l-bastiment tiegħu ikun soġġett għal dik l-investigazzjoni u dawk li għamlu l-ilment, bil-bidu tal-proċeduri u, b'attenzjoni xierqa għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, jipprovdu t-test kollu tal-ilment riċevut bil-miktub skont il-paragrafu 1 lill-esportatur, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur, u jagħmluh disponibbli fuq talba għal partijiet oħra interessati involuti.

Artikolu 6

L-investigazzjoni

1.   Wara li jkunu nbdew il-proċeduri, il-Kummissjoni, li taġixxi b'koperazzjoni mal-Istati Membri u, fejn ikun xieraq, mal-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux membri, għandha tibda investigazzjoni fuq livell ta' Unjoni. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm prezzijiet inġurjużi u dannu, u dawn għandhom jiġu investigati fl-istess waqt.

2.   Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji użati f'investigazzjoni dwar l-ipprezzar għandhom jingħataw mill-inqas 30 jum biex jirrispondu. Il-limitu ta' żmien għall-esportaturi għandu jibda jgħodd mid-data li jkun riċevut il-kwestjonarju, li għal dan il-għan għandu jitqies li jkun riċevut ġimgħa wara l-jum li fih ikun intbgħat lill-esportatur jew trasmess lir-rappreżentant diplomatiku xieraq tal-pajjiż esportatur. Tista' tingħata estensjoni ta' 30 jum, wara li jittieħed kont tal-limitu taż-żmien tal-investigazzjoni, kemm-il darba l-parti turi kawża xierqa għal tali estensjoni skont iċ-ċirkostanzi partikolari tagħha.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux membri, kif ukoll l-Istati Membri, biex jagħtu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi li jkunu meħtieġa sabiex jilqgħu dawk it-talbiet.

Dawn għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba flimkien mar-riżultati ta' kull spezzjoni, ċekkjar jew investigazzjonijiet li jkunu saru.

Meta dik l-informazzjoni tkun ta' interess ġenerali jew meta t-trasmissjoni tagħha tkun intalbet minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tibgħatha lill-Istati Membri, sakemm din ma tkunx kunfidenzjali, f'liema każ għandu jintbagħat sunt mhux kunfidenzjali.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux membri, meta jkun xieraq, kif ukoll lill-Istati Membri, biex jagħmlu dak l-iċċekkjar u spezzjonijiet meħtieġa, b'mod partikolari fost produtturi tal-Unjoni, u biex jagħmlu investigazzjonijiet f'pajjiżi mhux membri, sakemm l-intrapriżi nteressati jagħtu l-kunsens tagħhom u li l-gvern tal-pajjiż ikkonċernat ikun ġie uffiċjalment notifikat u ma jkun għamel l-ebda oġġezzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi li jkunu meħtieġa sabiex jissodisfaw dawk it-talbiet mill-Kummissjoni.

Uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk il-Kummissjoni jew l-Istat Membru hekk jitlob, sabiex jassistu lill-uffiċjali ta' Stati Membri biex jaqdu d-doveri tagħhom. Bl-istess mod, uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jassistu lill-uffiċjali tal-awtoritajiet ta' pajjiżi mhux membri biex jaqdu d-doveri tagħhom, wara ftehim bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet.

5.   Il-partijiet interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(12) għandhom jinstemgħu fil-perjodu stabbilit fl-avviż pubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ikunu għamlu talba bil-miktub għas-smiegħ li turi li huma parti interessata li x'aktarx tkun milquta mir-riżultat tal-proċeduri u li jkun hemm raġunjiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu.

6.   Għandhom jingħataw opportunitajiet, fuq talba, lill-bennej tal-bastiment, ix-xerrej jew ix-xerrejja, rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż esportatur, dawk li jagħmlu l-ilment, u partijiet oħra interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(12), biex jiltaqgħu ma' dawk il-partijiet li jkollhom interessi kuntrarji, sabiex jistgħu jiġu mogħtija veduti opposti u jingħataw argumenti kuntrarji għalihom.

L-għoti ta' dawn l-opportunitajiet għandu jieħu inkonsiderazzjoni l-ħtieġa li tiġi protetta l-kunfidenzjalità u l-konvenjenza għall-partijiet.

M'għandu jkun hemm l-ebda obbligazzjoni fuq xi parti biex tattendi laqgħa, u nuqqas li jsir hekk m'għandux jippreġudika l-każ ta' dik il-parti.

Informazzjoni orali mogħtija taħt dan il-paragrafu għandha tittieħed inkonsiderazzjoni kemm-il darba din wara tkun konfermata bil-miktub.

7.   Dawk li jagħmlu l-ilment, il-bennej tal-bastiment, ix-xerrej jew ix-xerrejja u partijiet oħra interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(12), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw kull informazzjoni li tkun saret disponibbli minn xi parti għall-investigazzjoni, kif distinta minn dokumenti interni preparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 13, u li użata fl-investigazzjoni.

Dawk il-partijiet jistgħu jirrispondu għal dik l-informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, meta jkunu sostanzjati b'mod suffiċjenti fir-risposta.

8.   Minbarra fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 12, l-informazzjoni li tkun mogħtija mill-partijiet interessati u li fuqha jkunu bbażati r-riżultati, għandha tiġi eżaminata għall-eżattezza, kemm jista' jkun possibbli.

9.   Għall-proċeduri li jinvolvu paragun bejn prezz u prezz ieħor, fejn bastiment simili jkun ġie konsenjat, l-investigazzjoni għandha tintemm mhux aktar tard minn sena mid-data tal-inizjar.

Għall-proċeduri li fihom il-bastiment simili jkun taħt kostruzzjoni, l-investigazzjoni għandha tintemm mhux aktar tard minn sena mid-data tal-konsenja tal-bastiment simili.

Investigazzjonijiet li jinvolvu valur tal-kostruzzjoni għandhom jintemmu fi żmien sena mill-bidu tagħhom jew fi żmien sena mill-konsenja tal-bastiment, skont liema jkun l-aħħar.

Dawk il-limiti ta' żmien għandhom jiġu sospiżi safejn ikun applikat l-Artikolu 16(2).

Artikolu 7

Temm mingħajr miżuri, impożizzjoni u ġbir ta' ħlasijiet dwar prezzijiet inġurjużi

1.   Meta l-ilment ikun irtirat, il-proċeduri jistgħu jiġu mitmuma.

2.   Fejn il-miżuri ma jkunux meħtieġa l-investigazzjoni jew il-proċeduri għandhom jintemmu. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2).

3.   Għandu jkun hemm temm immedjat tal-proċeduri meta jiġi stabbilit li l-marġini ta' prezzijiet inġurjużi ikun anqas minn 2 %, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-esportazzjoni.

4.   Fejn il-fatti kif ġew stabbiliti finalment juru li hemm prezzijiet inġurjużi u dannu kkawżat b'dawn, għandu jiġi impost ħlas għall-prezzijiet inġurjużi fuq il-bennejja tal-bastimenti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 10(2). L-ammont tal-ħlas għall-prezzijiet inġurjużi għandu jkun daqs il-marġini tal-prezzijiet inġurjużi stabbilit. Il-Kummissjoni, wara li tkun għarrfet lill-Istati Membri, għandha tieħu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, b'mod partikolari l-ġbir tal-ħlas għall-prezzijiet inġurjużi.

5.   Il-bennej tal-bastiment għandu jħallas il-multa dwar prezzijiet inġurjużi fi żmien 180 jum min-notifika lilu tal-impożizzjoni tal-multa, li għal dan il-għan għandu jitqies li jkun riċevut fi żmien ġimgħa mid-data li fiha tkun intbgħatet lill-bennej tal-bastiment. Il-Kummissjoni tista' tagħti lill-bennej tal-bastiment perjodu ta' żmien biex iħallas, li jkun raġonevolment estiż, meta l-bennej tal-bastiment juri li ħlas fi żmien 180 jum jirrenduh bla flus jew li jkun inkompattibbli mar-riorganizzazzjoni sorveljata ġuridika, f'liema każ l-imgħax għandu jgħodd fuq kull prozjon mhux imħallas tal-multa dovuta, b'rata ugwali għall-frott fis-suq sekondarju fuq il-bonds tal-Euro marbutin ma' termini medji fil-Borża tal-Lussemburgu flimkien ma' 50 punt bażiku.

Artikolu 8

Rimedji alternattivi

L-investigazzjoni tista' tintemm mingħajr l-impożizzjoni ta' ħlas għall-prezzijiet inġurjużi jekk il-bennej tal-bastimenti definittivament u bla kundizzjoni jxejjen il-bejgħ tal-bastiment ipprezzat b'mod inġurjuż jew jikkonforma ma' rimedju ekwivalenti alternattiv aċċettat mill-Kummissjoni.

Bejgħ ikun ikkunsidrat li jkun sar bla effett biss meta r-relazjonijiet kuntrattwali kollha bejn il-partijiet interessati fil-bejgħ ikkonċernat ikunu ġew mitmuma, kull konsiderazzjoni mħallsa b'konnessjoni mal-bejgħ tiġi rifuża u d-drittijiet kollha fil-bastiment ikkonċernat jew parti minnu jiġu mrodda lura lill-bennej tal-bastiment.

Artikolu 9

Miżuri kuntrarji — ċaħda ta' drittijiet dwar tgħabija u ħatt

1.   Jekk il-bennej tal-bastiment ikkonċernat ma jħallasx il-ħlas għall-prezzijiet inġurjużi impost skont l-Artikolu 7, miżuri kuntrarji f'forma ta' ċaħda ta' drittijiet ta' tagħbija u ħatt għandhom jiġu imposti mill-Kummissjoni fuq il-bastimenti mibnija mill-bennej tal-bastimenti inkwistjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba jkun hemm ir-raġunijiet għall-miżuri kuntrarji msemmijin fl-ewwel subparagrafu.

2.   Id-deċiżjoni li timponi l-miżuri kuntrarji għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi mħassra wara li jkun sar il-ħlas sħiħ tal-multa dwar il-prezzijiet inġurjużi mill-bennej tal-bastimenti. Il-miżuri kuntrarji għanhom ikopru l-bastimenti kollha kuntrattati matul perjodu ta' erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni. Kull bastiment ikun soġġett għall-miżuri kuntrarji għal perjodu ta' erbgħa snin wara l-konsenja tiegħu. Dawn il-perjodi jistgħu jiġu mnaqqsa biss wara u skont ir-riżultat tal-proċedura internazzjonali dwar ftehim fuq tilwim li tikkonċerna l-miżuri kuntrarji imposti.

Il-bastimenti soġġetti għaċ-ċaħda tad-drittjiet dwar tgħabija u ħatt għandhom ikunu speċifikati permezz ta' deċiżjoni li tiġi adottata mill-Kummissjoni u pubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   L-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri m'għandhomx jagħtu permess li jsir tgħabija u ħatt lill-bastimenti soġġetti għaċ-ċaħda ta' drittijiet dwar tgħabija u ħatt.

Artikolu 10

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/1036. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 11

Żjarat ta' verifika

1.   Il-Kummissjoni għandha, meta tħoss li jkun xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords tal-esportaturi, bennejja tal-bastimenti, kummerċjanti, aġenti, produtturi, assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u organizzazzjonijiet, sabiex tivverifika l-informazzjoni mogħtija dwar prezzijiet inġurjużi u d-dannu. Fin-nuqqas ta' risposta xierqa u fil-ħin, il-Kummissjoni tista' tagħżel li ma tagħmilx żjara ta' verifika.

2.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel investigazzjonijiet f'pajjiżi mhux membri kif mitlub, kemm-il darba din ikollha l-qbil tal-intrapriżi nteressati, li din tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż in kwistjoni u li dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli l-ftehim tal-intrapriżi nteressati jkun milħuq il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur bl-ismijiet u l-indirizzi tal-intrapriżi li tkun se ssir żjara fihom u d-dati miftiehma.

3.   L-intrapriżi nteressati għandhom jiġu avżati bin-natura tal-informazzjoni li tkun ser tiġi verifikata matul iż-żjarat ta' verifika u b'kull informazzjoni oħra li tkun meħtieġa li tiġi mogħtija matul dawk iż-żjarat, għalkemm dan ma jipprekludix li jsiru talbiet, magħmulin matul il-verifika, biex jingħataw aktar dettalji fid-dawl tal-informazzjoni miġbura.

4.   Fl-investigazzjonijiet li jsiru bis-saħħa tal-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn uffiċjali ta' dawk l-Istati Membri li jitolbu dan.

Artikolu 12

Non-koperazzjoni

1.   F'każijiet fejn xi parti nteressata tirrifjuta l-aċċess għal, jew mod ieħor ma tipprovdix, informazzoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien previsti f'dan ir-Regolament, jew b'mod sinifikanti timpedixxi l-investigazzjoni, ir-riżultati proviżorji jew finali, affermattivi jew negattivi, jistgħu isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Meta jkun misjub li xi parti nteressata tkun tat informazzjoni falza jew biex ittellef, dik l-informazzjoni m'għandhiex tiġi mogħtija attenzjoni u jista' jsir użu minn fatti disponibbli.

Partijiet interessati għandhom jiġu mgħarrfa bil-konsegwenzi ta' non-koperazzjoni.

2.   Nuqqas li tingħata risposta komputerizzata m'għandhiex titqies li tikkostitwixxi non-koperazzjoni, sakemm dik il-parti nteressata turi li meta tagħti r-risposta kif mitlub dan jirriżulta f'piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli.

3.   Meta l-informazzjoni mogħtija minn parti interessata ma tkunx ideali f'kull rigward din għandha xorta waħda ma tiġix riġettata, kemm-il darba d-defiċjenzi ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà żejda sabiex tasal għal riżultat raġonevolment preċiż u li l-informazzjoni tkun mogħtija fil-ħin b'mod xieraq u tkun tista' tiġi verifikata, u li l-parti tkun aġixxiet fl-aħjar kapaċità tagħha.

4.   Jekk xhieda jew informazzjoni ma tkunx aċċettata, il-parti li tissupplixxiha għandha tiġi nfurmata minnufih bir-raġunijiet għal dan u għandha tingħata opportunità biex tipprovdi spjegazzjonijiet oħra fil-limitu taż-żmien stabbilit. Jekk l-ispjegazzjonijiet ikunu kkunsidrati mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għalfejn ma tkunx ġiet aċċettata dik ix-xhieda jew l-informazzjoni għandhom isiru magħrufa u mogħtija fir-riżultati pubblikati.

5.   Jekk id-determinazzjonijiet, inkluż dawk dwar il-valur normali, jkunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluż l-informazzjoni mogħtija minn min jagħmel l-ilment, dawn għandhom, meta jkun prattikabbli u b'attenzjoni xierqa għal-limiti taż-żmien tal-investigazzjoni, jiġu vverifikati b'referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħalma huma l-listi tal-prezzijiet pubblikati, l-istatistika uffiċjali dwar bejgħ u prospetti tad-dwana, jew l-informazzjoni miġbura minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

6.   Jekk parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, b'mod li l-informazzjoni rilevanti tkun b'hekk miżmuma, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista' jkun anqas favorevoli għall-parti milli kieku din ikkoperat.

Artikolu 13

Kunfidenzjalità

1.   Kull informazzjoni li min-natura tagħha tkun kunfidenzjali (per eżempju, minħabba li l-kxif tagħha jista' jkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal kompetitur jew jista' jkollha effett kuntrarju sinifikanti fuq il-persuna li tagħti l-informazzjoni jew fuq il-persuna li mingħandha l-persuna li tagħti l-informazzjoni tkun akkwistat l-informazzjoni) jew li tkun provduta fuq bażi kunfidenzjali mill-partijiet għal investigazzjoni għandha, jekk tintwera kawża ġusta, tiġi meqjusa bħala tali mill-awtoritajiet.

2.   Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali għandhom jintalbu li jagħtu sunt tagħha b'mod mhux kunfidenzjali. Dawk is-sunti għandu jkollhom biżżejjed dettal li jippermettu ftehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mogħtija b'kunfidenzjalità. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dawk il-partijiet jistgħu jindikaw li dik l-informazzjoni ma tkunx tippermetti li jsir sunt tagħha. F'dawk iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi provduta dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn ma jkunx possibbli li jsir sunt.

3.   Jekk ikun ikkunsidrat li talba għall-kunfidenzjalità ma tkunx f'lokha u jekk il-fornitur tal-informazzjoni jew ma jkunx jixtieq li l-informazzjoni tkun disponibbli jew li jawtorizza l-kxif tagħha f'forma ġenereali jew sommarja, jista' ma jitteħidx kont ta' dik l-informazzjoni, sakemm ma jintweriex b'mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa, li l-informazzjoni tkun korretta. Talbiet għal kunfidenzjalità m'għandhomx jiġu miċħuda arbitrarjament.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux iżomm il-kxif ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni u, b'mod partikolari, tar-raġunijiet li fuqhom id-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa ta' dan ir-Regolament ikunu bbażati, jew kxif tal-evidenza li joqgħodu fuqha l-awtoritajiet tal-Unjoni safejn ikun meħtieġ biex jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fil-proċeduri fil-qorti. Dak il-kxif għandu jieħu kont tal-interess leġittimu tal-partijiet interessati, li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, m'għandhomx jiżvelaw informazzjoni li tkun waslitilhom skont dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku minn dak il-fornitur. Skambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u Stati Membri, jew ta' kwalunkwe dokumenti interni preparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri, m'għandhomx jiġu żvelati minbarra kif speċifikament stipulat f'dan ir-Regolament.

6.   Informazzjoni li tkun ġiet riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih kienet mitluba.

Artikolu 14

Kxif

1.   Dawk li jagħmlu l-ilment, il-bennej tal-bastiment, l-esportatur, ix-xerrej jew ix-xerrejja tal-bastiment u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u rappreżentanti tal-pajjiż esportatur, jistgħu jitolbu kxif tad-dettalji dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ikun maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta' multa ta' prezzijiet inġurjużi, jew it-tmiem tal-investigazzjoni jew tal-proċeduri mingħajr l-impożizzjoni ta' ħlas.

2.   Talbiet għal kxif finali, kif imfisser fil-paragrafu 1, għandhom jiġu ndirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub u jiġu milqugħa fil-limiti taż-żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

3.   L-iżvelar finali għandu jsir bil-miktub. Dan għandu jsir, bl-attenzjoni dovuta għall-ħtieġa biex tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista' jkun malajr u, normalment, mhux inqas minn xahar qabel deċiżjoni definittiva. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela xi fatti jew kunsiderazzjonijiet f'dak il-ħin, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr wara.

L-iżvelar ma għandu jippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista' tittieħed mill-Kummissjoni, imma fejn deċiżjoni bħal din tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatti u kunsiderazzjonijiet differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr.

4.   Rappreżentazzjonijiet magħmula wara li jkun sar kxif, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss jekk ikunu riċevuti f'perjodu li jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas 10 ijiem, b'kunsiderazzjoni partikolari tingħata għall-urġenza tal-materja.

Artikolu 15

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan ir-Regolament m'għandux iżomm l-applikazzjoni ta':

(a)

kull regola speċjali stabbilita fi ftehim konkluż bejn l-Unjoni u pajjiżi mhux membri;

(b)

miżuri speċjali, sakemm dik l-azzjoni ma tmurx kontra l-obbligi skont il-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti.

2.   Investigazzjoni bis-saħħa ta' dan ir-Regolament m'għandhiex issir u m'għandhomx jiġu imposti jew miżmuma miżuri fejn dawk il-miżuri jkunu kuntrarju għall-obbligi tal-Unjoni li joħorġu mill-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti jew xi ftehim internazzjonali rilevanti ieħor.

Dan ir-Regolament m'għandux iżomm lill-Unjoni milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti dwar ftehim fuq tilwim.

Artikolu 17

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 385/96 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu miftiehma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti (7).

Huwa m'għandux japplika għal bastimenti kuntrattati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti, ħlief għal bastimenti kuntrattati wara l-21 ta' Diċembru 1994 u għall-konsenja ta' aktar minn ħames snin mid-data tal-kuntratt. Dawk il-bastimenti għandhom ikunu soġġetti għal dan ir-Regolament, sakemm il-bennej tal-bastiment ma jurix li d-data estiża tal-konsenja saret għal raġunijiet kummerċjali normali u mhux sabiex tiġi evitata l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2016.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 385/96 tad-29 ta' Jannar 1996 dwar il-protezzjoni kontra prezzijiet inġurjużi ta' bastimenti (ĠU L 56, 6.3.1996, p. 21).

(3)  Ara Anness I.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(7)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Bini ta' Bastimenti għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, serje L.


ANNESS I

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-EMENDA TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 385/96

(ĠU L 56, 6.3.1996, p. 21)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 5 tal-Anness biss


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 385/96

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), kliem introduttorju

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), kliem introduttorju

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), l-ewwel inċiż

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a)(i)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), it-tieni inċiż

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a)(ii)

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a), it-tielet inċiż

Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu, punt (a)(iii)

Artikolu 5(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafu

Artikolu 5(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafu

Artikolu 5(3) sa (10)

Artikolu 5(3) sa (10)

Artikolu 5(11), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(11), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 5(11), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(11), it-tielet sentenza

Artikolu 5(12), l-ewwel sentenza

Artikolu 5(12), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(12), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 5(12), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(1) u (2)

Artikolu 6(1) u (2)

Artikolu 6(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tieni sentenza

Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tielet sentenza

Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tieni sentenza

Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tieni sentenza

Artikolu 6(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tielet sentenza

Artikolu 6(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(6), ir-raba' sentenza

Artikolu 6(6), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 6(7), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(7), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(7), it-tieni sentenza

Artikolu 6(7), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(8) u (9)

Artikolu 6(8) u (9)

Artikoli 7 sa 11

Artikoli 7 sa 11

Artikolu 12(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 12(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 12(1), it-tieni sentenza

Artikolu 12(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 12(1), it-tielet sentenza

Artikolu 12(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 12(2) sa (6)

Artikolu 12(2) sa (6)

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 14(1) u (2)

Artikolu 14(3), l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 14(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(3), ir-raba' sentenza

Artikolu 14(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 14a

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Anness I

Anness II


30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/21


REGOLAMENT (UE) 2016/1036 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea

(Kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2) ġie emendat kemm-il darba (3) b'mod sostanzjali. Għal finijiet ta' ċarezza u razzjonalità, jeħtieġ li dak ir- Regolament jiġi kkodifikat.

(2)

Il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“il-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994”) fih regoli dettaljati, relatati b'mod partikolari mal-kalkolu tad-dumping, il-proċeduri għall-bidu u t-tkomplija ta' investigazzjoni, li jinkludu l-istabbiliment u t-trattament tal-fatti, l- impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, l- impożizzjoni u l-ġbir ta' dazji kontra d-dumping, it-tul u r-reviżjoni tal-miżuri kontra d-dumping u r-rivelazzjoni lill-pubbliku tal-informazzjoni relatata ma' investigazzjonijiet kontra d-dumping.

(3)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994, il-lingwaġġ ta' dak il-Ftehim għandu jiġi rifless fil-leġislazzjoni tal- Unjoni sa fejn ikun possibbli.

(4)

Fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994, huwa essenzjali, sabiex jiġi miżmum il-bilanċ bejn drittijiet u obbligi mill-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), li l-Unjoni tieħu kont ta' kif inhuma interpretati dawk ir-regoli mis-soċji kummerċjali ewlenin tal-Unjoni.

(5)

Huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti regoli ċari u dettaljati dwar il-kalkolu tal-valur normali. B'mod partikolari, tali valur għandu fil-każijiet kollha jkun ibbażat fuq bejgħ rappreżentattiv fil-kors ordinarju tal-kummerċ fil-pajjiż ta' esportazzjoni. Jaqbel li tingħata gwida dwar meta partijiet jistgħu jitqiesu bħala assoċjati għall-għan li jiġi stabbilit id-dumping. Huwa tajjeb li jiġu definiti ċ-ċirkostanzi li fihom il-bejgħ domestiku jista' jiġi kkunsidrat li jkun qiegħed isir b'telf u jkun jista' ma jiġix meqjus, u fejn jista' jkun hemm rikors għal bejgħ li jibqa', jew għal valur normali maħdum, jew għal bejgħ lejn pajjiż terz. Huwa wkoll xieraq li jsir provvediment għall-allokazzjoni korretta tal-ispejjeż, anke f'sitwazzjonijiet tal-bidu u li tiġi stabbilita gwida biex tiddefinixxi l-bidu ta' negozju u dwar id-daqs u l-metodu tal-allokazzjoni. Huwa wkoll meħtieġ, meta jinħadem il-valur normali, li tiġi indikata l-metodoloġija li għandha tiġi applikata fid-determinazzjoni tal-ammonti għall-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u l-marġini tal-profitt li għandhom jiġu inklużi f'tali valur.

(6)

Meta jiġi ddeterminat il-valur normali għall-pajjiżi b'ekonomija mhux tas-suq, ikun jidher prudenti li jiġu stabbiliti regoli għall-għażla tal-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq xieraq li għandu jiġi użat għal dan il-għan u, fejn ikun possibbli li jinstab pajjiż terz xieraq, biex jipprovdu li l-valur normali jista' jiġi stabbilit fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.

(7)

Huwa kunsiljabbli li jiġi ddefinit il-prezz ta' esportazzjoni u li jiġu nnumerati l-aġġustamenti li għandhom isiru f'dawk il-każijiet fejn jitqies li jinħtieġ li jinħadem mill-ġdid dak il-prezz mill-ewwel prezz tas-suq miftuħ.

(8)

Bil-għan li jiġi żgurat paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali, huwa kunsiljabbli li jiġu elenkati l-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet u li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar meta u kif l-aġġustamenti għandhom isiru, inkluż il-fatt li kwalunkwe duplikazzjoni tal-aġġustamenti għandha tiġi evitata. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li l-paragun ikun jista' jsir bl-użu ta' prezzijiet medji għalkemm prezzijiet individwali għall-esportazzjoni jistgħu jiġu mqabbla ma' valur normali medju fejn dawk tal-ewwel ivarjaw skont il-klijent, ir-reġjun jew il-perjodu ta' żmien.

(9)

Huwa kunsiljabbli li tiġi stabbilita gwida ċara u dettaljata tal-fatturi li jistgħu jkunu rilevanti għad-determinazzjoni jekk l-importazzjonijet li huma l-oġġett ta' dumping ikkawżawx dannu materjali jew humiex qed jheddu li jikkawżaw dannu. Meta jintwera li l-volum u l-livelli tal-prezz tal-importazzjonijiet konċernati huma responsabbli għal dannu sostnut mill-industrija tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni għall-effett ta' fatturi oħra u b'mod partikolari għall-kondizzjonijiet tas-suq li jkunu prevalenti fl-Unjoni.

(10)

Huwa kunsiljabbli li jiġi ddefinit it-terminu “industrija tal-Unjoni” u li jsir provvediment sabiex partijiet li jkunu relatati ma' esportaturi jkunu jistgħu jiġu esklużi minn tali industrija, u li jiġi ddefinit it-terminu “relatat”. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment sabiex tittieħed azzjoni kontra dumping għan-nom ta' produtturi f'reġjun tal-Unjoni u li jiġu stabbiliti linji ta' gwida dwar id-definizzjoni ta' dak ir-reġjun.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min jista' jippreżenta lment kontra dumping, inkluż sa fejn dan għandu jiġi appoġġat mill-industrija tal-Unjoni, u l-informazzjoni dwar dumping, id-dannu u l-kawżalità li tali lment għandu jinkludi. Huwa wkoll kunsiljabbli li jiġu speċifikati l-proċeduri għar-rifjut tal-ilmenti jew għall-bidu ta' proċedimenti.

(12)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat il-mod li fih il-partijiet interessati għandhom jiġu mogħtija notifikazzjoni tal-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu. Il-partijiet interessati għandu jkollhom biżżejjed opportunità biex jippreżentaw l-evidenza kollha rilevanti u biex jiddefendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll kunsiljabbli li jiġu stabbiliti b'mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti matul l-investigazzjoni, b'mod partikolari r-regoli li permezz tagħhom partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom nfushom magħrufin, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jippreżentaw informazzjoni f'limiti ta' żmien speċifikati, jekk għandha tingħata attenzjoni għal tali opinjonijiet u informazzjoni. Huwa wkoll xieraq li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet li taħthom parti interessata jista' jkollha aċċess għal, u li tikkummenta fuq, l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet oħra interessati. Għandu wkoll ikun hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir tal-informazzjoni.

(13)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji, inklużi kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji mhux iktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu u mhux iktar tard minn disa' xhur minn hemm 'il quddiem. Għal raġunijiet amministrattivi, huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li tali dazji jkunu jistgħu fil-każijiet kollha jiġu imposti mill-Kummissjoni, jew direttament għal perjodu ta' disa' xhur jew f'żewġ fażijiet ta' sitt xhur u ta' tliet xhur.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' impenji li jeliminaw id-dumping u d-dannu minflok li jiġu imposti dazji provviżorji jew definittivi. Huwa wkoll xieraq li jiġu speċifikati l-konsegwenzi ta' ksur jew irtirar ta' impenji u li jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji f'każijiet ta' ksur sospett jew fejn ikun hemm bżonn ta' aktar investigazzjoni biex tissupplimenta dak li nstab. Meta jintlaqgħu l-impenji, għandha tingħata attenzjoni sabiex l-impenji proposti, u l-infurzar tagħhom, ma jwasslux għal xi attività kontra l-kompetizzjoni.

(15)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex it-terminazzjoni tal-każijiet ikollha, irrispettivament jekk jiġux adottati miżuri definittivi jew le, normalment isseħħ fi żmien 12-il xahar, u f'ebda każ iktar minn 15-il xahar, mill-bidu tal-investigazzjoni.

(16)

L-investigazzjonijiet jew proċedimenti għandhom jiġu terminati fejn id-dumping ikun de minimis jew id-dannu jkun negliġibbli, u huwa xieraq li dawk is-sitwazzjonijiet jiġu ddefiniti. Fejn ikollhom jiġu imposti miżuri, huwa meħtieġ li jsir provvediment għat-terminazzjoni tal-investigazzjonijiet u li jiġi speċifikat li l-miżuri għandhom ikunu inqas mill-marġini ta' dumping jekk tali ammont inqas jelimina d-dannu, u wkoll li jiġi speċifikat il-metodu ta' kalkolu tal-livell tal-miżuri fil-każ ta' teħid ta' kampjuni.

(17)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għall-ġbir retroattiv tad-dazji provviżorji jekk dan ikun meqjus xieraq u li jiġu definiti ċ-ċirkustanzi li jistgħu idaħħlu fis-seħħ l-applikazzjoni retroattiva ta' dazji biex jiġi evitat l-imminar tal-miżuri definittivi li għandhom jiġu applikati. Huwa wkoll meħtieġ li jiġi previst li d-dazji jistgħu jiġu applikati b'mod retroattiv fil-każijiet ta' ksur jew irtirar mill-impenji.

(18)

Huwa meħtieġ li jiġi previst li l-miżuri għandhom jiddekadu wara ħames snin sakemm reviżjoni ma tindikax li għandhom jiġu miżmuma. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment, f'każijiet fejn tkun mogħtija evidenza biżżejjed ta' ċirkustanzi mibdula, għal reviżjonijiet interim jew għal investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit jekk għandhomx isiru rifużjonijiet ta' dazji kontra d-dumping. Huwa wkoll xieraq li jsir provvediment biex, fi kwalunkwe kalkolu mill-ġdid ta' dumping li jeħtieġ li jinħadmu mill-ġdid prezzijiet tal-esportazzjoni, id-dazji ma għandhomx jiġu meqjusa bħala spiża magħmula bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid fejn dawk id-dazji jkunu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti soġġetti għal miżuri fl-Unjoni.

(19)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment speċifikament għall-istima mill-ġdid tal-prezzijiet ta' esportazzjoni u l-marġini ta' dumping fejn id-dazju jkun assorbit mill-esportatur permezz ta' forma ta' arranġament kumpensatorju u l-miżuri ma jkunux qegħdin jiġu riflessi fil-prezzijiet tal-prodotti soġġetti għall-miżuri fl-Unjoni.

(20)

Il-Ftehim kontra d-Dumping tal-1994 ma fihx dispożizzjonijiet fir-rigward tal-evażjoni ta' miżuri kontra d-dumping, għalkemm Deċiżjoni Ministerjali separata tal-GATT irrikonoxxiet l-evażjoni bħala problema u rriferietha lill-Kumitat Kontra d-Dumping tal-GATT għal riżoluzzjoni. Minħabba l-falliment, sa issa, tan-negozjati multilaterali u sa kemm għadu pendenti r-riżultat tar-referenza lill-Kumitat Kontra Dumping tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), huwa meħtieġ li jkunu inklużi dispożizzjonijiet fil-leġislazzjoni tal-Unjoni li jindirizzaw prattiki, inkluż is-sempliċi assemblaġġ tal-merkanzija fl-Unjoni jew f'pajjiż terz, li jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom, l-evażjoni tal-miżuri kontra d-dumping.

(21)

Huwa kunsiljabbli wkoll li jiġi ċċarat liema huma l-prattiki li jikkostitwixxu evażjoni tal-miżuri fis-seħħ. Il-prattiki ta' evażjoni jistgħu jsiru kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Hu għalhekk neċessarju li jsir provvediment sabiex l-eżenzjonijiet mid-dazji estiżi li jistgħu jingħataw lil importaturi jkunu jistgħu ukoll jingħataw lil esportaturi meta jkunu applikati dazji biex jindirizzaw l-evażjoni li ssir barra l-Unjoni.

(22)

Jaqbel li tkun permessa s-sospensjoni tal-miżuri kontra d-dumping fejn ikun hemm tibdil temporanju fil-kondizzjonijiet tas-suq li jagħmlu l-impożizzjoni kontinwata ta' tali miżuri temporanjament mhux xierqa.

(23)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex importazzjonijiet taħt investigazzjoni jkunu jistgħu jsiru soġġetti għar-reġistrazzjoni mal-importazzjoni sabiex sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra tali importazzjonijiet.

(24)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-miżuri, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jissorveljaw, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar, il-kummerċ ta' importazzjoni ta' prodotti soġġetti għal investigazzjoni jew soġġetti għal miżuri, kif ukoll l-ammont ta' dazji miġbura taħt dan ir-Regolament.

(25)

Jaqbel li jsir provvediment għal żjarat ta' verifika għall-kontroll ta' informazzjoni ppreżentata dwar dumping u dannu, b'tali żjarat li, madanakollu, jsiru taħt il-kondizzjoni li jiġu riċevuti risposti xierqa għal kwestjonarji.

(26)

Huwa essenzjali li jiġi previst teħid ta' kampjuni f'każijiet fejn in-numru ta' partijiet jew tranżazzjonijiet ikun kbir sabiex ikunu jistgħu jitlestew l-investigazzjonijiet fil-limiti ta' żmien stabbiliti.

(27)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn partijiet ma jikkoperawx b'mod sodisfaċenti tkun tista' tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u li tali informazzjoni tkun tista' tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku kienu kkoperaw.

(28)

Għandu jsir provvediment għat-trattament ta' informazzjoni konfidenzjali sabiex sigrieti tan-negozju ma jiġux żvelati.

(29)

Huwa essenzjali li jsir provvediment għall-iżvelar xieraq ta' fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali lill-partijiet li jikkwalifikaw għal tali trattament u li tali żvelar isir, bil-konsiderazzjoni dovuta lejn il-proċess deċiżjonali fl-Unjoni, f'limitu ta' żmien li jippermetti lill-partijiet jiddefendu l-interessi tagħhom.

(30)

Huwa prudenti li jsir provvediment għal sistema ta' amministrazzjoni li taħtha jistgħu jiġu ppreżentati argumenti dwar jekk miżuri jkunux fl-interess tal-Unjoni, inkluż l-interess tal-konsumaturi, u biex jiġu stabbiliti l-limiti ta' żmien li fihom tali informazzjoni għandha tiġi ppreżentata kif ukoll id-drittijiet ta' żvelar tal-partijiet konċernati.

(31)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tirrikjedi kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni tad-dazji provviżorji u definittivi, u għat-terminazzjoni ta' investigazzjoni mingħajr miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(32)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji minħabba l-effetti ta' tali miżuri u l- loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri definittivi. Din għandha tintuża wkoll meta jiġu aċċettati impenji, meta jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' skadenza, meta jiġu sospiżi miżuri, meta ssir estensjoni tas-sospensjoni ta' miżuri u meta jiġu ristabbiliti miżuri fid-dawl tal-effett ta' tali miżuri meta mqabbla ma' miżuri definittivi. Fejn dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jikkawża dannu li jkun diffiċilment rimedjabbli, huwa meħtieġ li l- Kummissjoni titħalla tadotta miżuri provviżorji applikabbli immedjatament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prinċipji

1.   Jista' jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta' dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta' dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall- Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

3.   Il-pajjiż esportatur għandu normalment ikun il-pajjiż ta' oriġini. Madanakollu, jista' jkun pajjiż intermedjarju, ħlief fejn, per eżempju, il-prodotti jkunu sempliċiment trasbordati minn dak il-pajjiż, jew il-prodotti konċernati ma jkunux ġew magħmula f'dak il-pajjiż, jew ma jkunx hemm prezz paragunabbli għalihom f'dak il-pajjiż.

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “prodott simili” jfisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f'kull lat, bħall-prodott ikkunsidrat, jew fin-nuqqas ta' tali prodott, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx simili f'kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.

Artikolu 2

Determinazzjoni ta' dumping

1.   Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.

Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista' jiġi stabbilit fuq il-bażi ta' prezzijiet ta' bejjiegħa jew produtturi oħra.

Il-prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati, jew li jkollhom arranġament kumpensatorju ma' xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fil-kors ordinarju tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.

Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista' titqies id-definizzjoni ta' partijiet relatati stabbilita fl-Artikolu 127 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (5).

2.   Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi użat biex jiġi stabbilit il-valur normali jekk tali volum ta' bejgħ jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat lill-Unjoni. Madanakollu, jista' jiġi użat volum inqas ta' bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.

3.   Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta' prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta' oriġini flimkien ma' ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.

Jista' jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fis-sens tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta' skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta' proċessar mhux kummerċjali.

4.   Il-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew il-bejgħ ta' esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra tal-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien mal-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fil-kors ordinarju tal-kummerċ minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li tali bejgħ isir f'perjodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru tal-ispejjeż kollha f perjodu raġonevoli.

Jekk il-prezzijiet li jkunu inqas mill-ispejjeż fil-ħin tal-bejgħ ikunu aktar mill-ispejjeż medji kkalkolati għall-perjodu ta' investigazzjoni, tali prezzjiet għandhom jiġu kkunsidrati li jagħmlu tajjeb għall-irkupru tal-ispejjeż f'perjodu ta' żmien raġonevoli.

Il-perjodu ta' żmien estiż għandu normalment ikun ta' sena iżda f'ebda każ ma għandu jkun inqas minn sitt xhur, u l-bejgħ taħt l-ispiża għal kull unità għandu jiġi kkunsidrat li jkun magħmul fi kwantitajiet sostanzjali f'tali perjodu ta' żmien meta jiġi stabbilit li l-prezz tal-bejgħ medju peżat ikun inqas mill-ispiża għal kull unità medja peżata, jew li l-volum ta' bejgħ taħt il-ispiża għal kull unità ma jkunx inqas minn 20 % tal-bejgħ li jkun qiegħed jiġi użat sabiex jiġi determinat il-valur normali.

5.   L-ispejjeż għandhom normalment jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' records miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm records bħal dawn ikunu konformi ma' prinċipji kontabbilistiċi ġeneralment aċċettati tal-pajjiż konċernat u sakemm ikun muri li r-records jirriflettu b'mod raġonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat.

Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b'mod raġonevoli fir-records tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta' produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi.

Għandha tingħata konsiderazzjoni lill-evidenza ppreżentata dwar l-allokazzjoni korretta tal-ispejjeż, sakemm ikun muri li tali allokazzjonijiet kienu ġew utilizzati storikament. Fin-nuqqas ta' metodu aktar xieraq, għandha tingħata preferenza lill-allokazzjoni tal-ispejjeż fuq il-bażi tal-fatturat. Sakemm mhux diġà riflessi fl-allokazzjonijiet tal-ispejjeż taħt dan is-subparagrafu, l-ispejjeż għandhom jiġu aġġustati adegwatament għal dawk il-partiti ta' spejjeż mhux rikorrenti li jibbenefikaw lill-produzzjoni futura u/jew kurrenti.

Fejn l-ispejjeż għal xi parti mill-perjodu għall-irkupru tal-ispejjeż jiġu affettwati mill-użu ta' faċilitajiet ġodda ta' produzzjoni li jeħtieġu investiment addizzjonali sostanzjali u minn rati ta' utilizzazzjoni ta' volum baxx, li jkunu r-riżultat ta' operazzjonijiet tal-bidu li jseħħu fi ħdan jew matul parti minn xi perjodu ta' investigazzjoni, l-ispejjeż medji għall-fażi tal-bidu għandhom ikunu dawk applikabbli, taħt ir-regoli tal-allokazzjoni msemmija hawn fuq, fit-tmiem ta' tali fażi, u għandhom jiġu inklużi f'dak il-livell, għall-perjodu konċernat, fl-ispejjeż medji peżati msemmija fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 4. It-tul ta' fażi tal-bidu għandu jiġi determinat skont iċ-ċirkustanzi tal-produttur jew esportatur konċernat, iżda m'għandux jaqbeż porzjon inizjali adegwat tal-perjodu għall-irkupru tal-ispejjeż. Għal dan l-aġġustament lill-ispejjeż applikabbli matul il-perjodu ta' investgazzjoni, għandu jittieħed kont ta' informazzjoni relatata ma' fażi tal-bidu li testendi lil hinn minn dak il-perjodu fejn tkun ġiet ippreżentata qabel żjajjar ta' verifika u fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni.

6.   L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali relattivi għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq dik il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta':

(a)

il-medja peżata tal-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini;

(b)

l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, tal-istess kategorija ġenerali ta' prodotti għall-esportatur jew produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' orġini;

(c)

kwalunkwe metodu raġonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b'hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta' prodotti tal-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta' oriġini.

7.

(a)

Fil-każ ta' importazzjonijiet minn pajjiżi li ma għandhomx ekonomija tas-suq (6), il-valur normali għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, jew il-prezz minn tali pajjiż terz għal pajjiżi oħra, inkluża l- Unjoni, jew, fejn dawn ma jkunux possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli fl-Unjoni għal prodott simili, adegwatament aġġustat jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta' profitt raġonevoli.

Għandu jiġi magħżul pajjiż terz xieraq b'ekonomija tas-suq b'manjiera li ma tkunx irraġonevoli, filwaqt jitqies kull tagħrif affidabbli li jsir disponibbli fiż-żmien tal-għażla. Għandhom jitqiesu wkoll il-limiti taż-żmien. Fejn xieraq, għandu jiġi użat pajjiż terz b'ekonomija tas-suq li jkun soġġett għall-istess investigazzjoni.

Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jiġu mgħarrfa ftit wara l-bidu tagħha bil-pajjiż terz b'ekonomija tas-suq previst u għandhom jingħataw għaxart ijiem żmien sabiex jikkommentaw.

(b)

Fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping dwar importazzjonijiet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, il-Vjetnam u l-Każakistan u kull pajjiż li ma jkollux ekonomija tas-suq u li jkun membru tal-WTO fid-data tal-bidu tal-investigazzjoni, il-valur normali għandu jkun stabbilit konformement skontmal-paragrafi 1 sa 6, jekk jintwera, fuq il-bażi ta' talbiet li jkunu adegwatament sostanzjati minn wieħed jew aktar produtturi li jkunu qed jiġu investigati u konformement maskontl-kriterji u proċeduri stabbiliti fil-punt (c), li jipprevalixxu kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq għal dan il-produttur jew produtturi fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili konċernat. Meta dan ma jkunx il-każ, ir-regoli li jinsabu fil-punt (a) għandhom japplikaw.

(c)

Pretensjoni taħt il-puntskont (b) għandha ssir bil-kitba u għandha tinkludi biżżejjed evidenza li l-produttur jopera taħt kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jiġifieri jekk:

id-deċiżjonijiet ta' ditti fir-rigward ta' prezzijiet, spejjeż u inputs, li jinkludu per eżempju l-materja prima, l-ispejjeż tat-teknoloġija u tax-xogħol, il-produzzjoni, il-bejgħ u l-investimenti, isiru b'reazzjoni għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat f'dak ir-rigward, u l-ispejjeż ta' inputs maġġuri jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq,

id-ditti jkollhom sett ċar ta' records kontabbilistiċi bażiċi li jiġu verifikati indipendentement konformement ma' skontstandards internazzjonali tal-kontabilità u jiġu applikati għall-għanijiet kollha,

l-ispejjeż tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni finanzjarja ta' ditti mhumiex soġġetti għal distorsjonijiet sinjifikanti derivati mis-sistema ekonomika ta' qabel li ma kenitx tas-suq, b'mod partikolari fir-rigward tad-deprezzament ta' assi, kanċellamenti oħrajn ta' assi, negozju bit-tpartit u ħlas permezz ta' tpaċija ta' djun,

id-ditti interessati huma soġġetti għal liġijiet dwar il-falliment u liġijiet tal-proprjetà li jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali għall-operazzjoni tad-ditti, u

il-konversjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru bir-rata tas-suq.

Għandu jiġi determinat jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji msemmija taħt dan il-punt normalment fi żmien seba' xhur, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien xhur, mill-bidu tal-investigazzjoni, wara li l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkommenta. Tali determinazzjoni għandha tibqa' fis-seħħ matul l-investigazzjoni kollha. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri dwar l-analiżi minnha ta' talbiet li jsiru skont il-punt (b) normalment fi żmien 28 ġimgħa mill-bidu tal-investigazzjoni.

(d)

Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-investigazzjoni tagħha skont l-Artikolu 17, id-determinazzjoni skont il-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu għandha tkun limitata għall-partijiet inklużi fl-investigazzjoni u għal kull produttur li jirċievi trattament individwali skont l-Artikolu 17(3).

8.   Il-prezz tal-esportazzjoni għandu jkun il-prezz attwalment imħallas jew li jkun pagabbli għall-prodott meta mibjugħ għall-esportazzjoni mill-pajjiż tal-esportazzjoni lill-Unjoni.

9.   F'każijiet fejn ma hemm ebda prezz tal-esportazzjoni jew fejn jidher li l-prezz tal-esportazzjoni mhuwiex affidabbli minħabba assoċjazzjoni jew arranġament kumpensatorju bejn l-esportatur u l-importatur jew parti terza, il-prezz tal-esportazzjoni jista jinħadem fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti impurtati huma l-ewwel mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, jew, jekk il-prodotti mhumiex mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti jew mhumiex mibjugħin mill-ġdid fil-kondizzjoni li fiha ġew impurtati, fuq kwalunkwe bażi raġonevoli.

F'dawk il-każijiet, l-aġġustament għall-ispejjeż kollha, inklużi d-dazji u t-taxxi, magħmulin bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, u għall-profitti li jsiru, għandu jsir sabiex jiġi stabbilit prezz affidabbli tal-esportazzjoni, fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni.

Il-partiti li għalihom għandu jsir aġġustament għandhom jinkludu dawk normalment assunti minn importatur iżda mħallsa minn kwalunkwe parti, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, li tidher li tkun assoċjata jew li għandha arranġament kumpensatorju mal-importatur jew l-esportatur, inkluż it-trasport tas-soltu, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari, id-dazji tad-dwana, kwalunkwe dazji kontra dumping, u taxxi oħra li għandhom jitħallsu fil-pajjiż tal-importazzjoni minħabba l-importazzjoni jew il-bejgħ tal-merkanzija, u marġini raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż ġenerali jew amministrattvi u l-profitt.

10.   Għandu jsir paragun xieraq bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali. Dan il-paragun għandu jsir fl-istess livell tal-kummerċ u fir-rigward ta' bejgħ magħmul, kemm jista' jkun viċin, fl-istess ħin, u b'kont dovut meħud ta' differenzi oħra li jaffettwaw il-paragonabbiltà tal-prezz. Fejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni kif stabbiliti mhumiex fuq bażi daqshekk komparabbli għandu jkun hemm adattament, f'forma ta' aġġustamenti, f'kull każ, fuq il-merti tiegħu, għal differenzi fil-fatturi li huma pretiżi, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragonabbiltà tal-prezzijiet. Kwalunkwe duplikazzjoni meta jsiru l-aġġustamenti għandha tiġi evitata, b'mod partikolari relattivament għal tnaqqis, ribassi, kwantitajiet u l-livell tal-kummerċ. Meta l-kondizzjonijiet speċifikati jkunu sodisfatti, il-fatturi li għalihom jista' jsir aġġustament huma elenkati kif ġej:

(a)

Karatteristiċi fiżiċi

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott konċernat. L-ammont tal-aġġustament għandu jikkorrispondi għal stima raġonevoli tal-valur tas-suq tad-differenza.

(b)

Ħlas fuq l-importazzjoni u taxxi indiretti

Għandu jsir aġġustament għall-valur normali għal ammont li jikkorrispondi għal kwalunkwe ħlas fuq l-importazzjoni jew taxxi indiretti li jiġu mħallsa fuq il-prodott simili u fuq materjali fiżikament inkorporati fih, meta maħsuba għal konsum fil-pajjiż ta' esportazzjoni u mhux miġbura jew mogħtija lura fir-rigward tal-prodott esportat lill-Unjoni.

(c)

Roħs, ribassi u kwantitajiet

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fir-roħs u r-ribassi, inklużi dawk mogħtija għal differenzi fil-kwantitajiet, jekk dawn huma kwantifikati korrettament u huma direttament marbuta mal-bejgħ ikkunsidrat. Għandu jsir aġġustament ukoll għal roħs u ribassi differiti jekk it-talba hija bbażata fuq drawwa konsistenti f'perjodi preċedenti, inkluża l-konformità mal-kondizzjonijiet meħtieġa biex jikkwalifikaw għar-roħs jew ir-ribassi.

(d)

Livell tal-kummerċ

(i)

Aġġustament fid-differenzi tal-livelli kummerċjali, inklużi xi differenzi li jistgħu jinħolqu fil-bejgħ tal-FOT (Fabbrikant Oriġinali tat-Tagħmir), għandu jsir fejn, fir-rigward tas-sensiela tad-distribuzzjoni fiż-żewġt iswieq, ikun jidher li l-prezz tal-esportazzjoni, inkluż prezz tal-esportazzjoni maħdum, ikun qiegħed fuq livell kummerċjali differenti mill-valur normali u d-differenza tkun affetwat il-komparabilità tal-prezzijiet, li tkun ħarġet ċara minn differenzi konsistenti u distinti fil-funzjonijiet u l-prezzijiet tal-bejjiegħ għad-diversi livelli tal-kummerċ fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur. L-ammont tal-aġġustament għandu jkun ibbażat fuq il-valur kummerċjali tad-differenza.

(ii)

Madankollu, f'ċirkostanzi mhux ikkontemplati taħt il-punt (i), meta differenza eżistenti fil-livell kummerċjali ma tkunx tista' tiġi kkwantifikata minħabba n-nuqqas tal-livelli relevanti fis-suq domestiku tal-pajjiżi esportaturi, jew fejn ċerti funzjonijiet ikun jidher ċar li jkunu relatati ma' livelli kummerċjali għajr dak li jkun jintuża fit-tqabbil, jista' jkun permess aġġustament speċjali.

(e)

Trasport, assigurazzjoni, immaniġġar, tagħbija u spejjeż anċillari

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż relatati direttament li jsiru għall-konsenja tal-prodott konċernat mill-post tal-esportatur għal xerrej indipendenti, fejn tali spejjeż huma inklużi fil-prezzijiet mitluba. Dawk l-ispejjeż għandhom jinkludu t-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar, it-tagħbija u l-ispejjeż anċillari.

(f)

Ippakkjar

Għandu jsir aġġustament għal differenzi fl-ispejjeż relatati direttament tal-ippakkjar għall-prodott konċernat.

(g)

Kreditu

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispiża ta' kwalunkwe kreditu mogħti għal bejgħ ikkunsidrat, sakemm ikun fattur li tiegħu jittieħed kont fid-determinazzjoni tal-prezzijiet mitluba.

(h)

Spejjeż ta' wara l-bejgħ

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fl-ispejjeż diretti tal-għoti ta' pleġġijiet, garanziji, assistenza teknika u servizzi, kif previsti fil-liġi u/jew fil-kuntratt tal-bejgħ.

(i)

Kummissjonijiet

Għandu jsir aġġustament għad-differenzi fil-kummissjonijiet imħallsa fir-rigward tal-bejgħ ikkunsidrat.

It-terminu “kummissjonijiet” għandu jinftiehem li jinkludi ż-żieda fuq il-prezz li jirċievi negozjant tal-prodott jew ta' prodott simili jekk il-funzjonijiet ta' tali negozjant ikunu simili għal dawk ta' aġent li jaġixxi fuq il-bażi ta' kummissjoni.

(j)

Kambju tal-munita

Meta l-paragun tal-prezz jeħtieġ kambju tal-munita, tali kambju għandu jsir bl-użu tar-rata tal-kambju fid-data tal-bejgħ, għajr li, meta bejgħ ta' munita barranija fuq is-swieq bil-quddiem ikun marbut b'mod dirett mal-bejgħ involut għall-esportazzjoni, ir-rata tal-kambju fil-bejgħ bil-quddiem għandha tintuża. Normalment, id-data tal-bejgħ għandha tkun id-data tal-fattura iżda d-data tal-kuntratt, l-ordni tax-xiri jew il-konferma tal-ordni jistgħu jintużaw jekk dawn jistabbilixxu b'mod iktar adegwat it-termini materjali tal-bejgħ. Il-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju għandhom jiġu injorati u l-esportaturi għandhom jiġu mogħtija 60 ġurnata biex jirriflettu moviment sostenut fir-rati tal-kambju matul il-perjodu ta' investigazzjoni.

(k)

Fatturi oħra

Jista' jsir ukoll aġġustament għal differenzi f'fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt il-punti (a) sa (j), jekk jiġi ppruvat li dawn jaffettwaw il-komparabilità fil-prezzijiet kif meħtieġ taħt dan il-paragrafu, b'mod partikolari jekk ix-xerrejja konsistentement iħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba d-differenza f'tali fatturi.

11.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun adegwat, l-eżistenza ta' marġini ta' dumping matul il-perjodu ta' investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' paragun ta' valur normali medju peżat ma' medja peżata tal-prezzijiet tat-transazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jew b'paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Unjoni fuq bażi ta' kull transazzjoni individwali. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta' medja peżata jista' jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jekk ikun hemm differenza sinifikanti fix-xejriet ta' prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja differenti, reġjuni differenti jew perjodi differenti ta' żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu ma jirriflettux il-grad sħiħ ta' dumping ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta' teħid ta' kampjuni skont l-Artikolu 17.

12.   Il-marġini ta' dumping għandu jkun l-ammont li permezz tiegħu il-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni. Fejn il-marġini ta' dumping ivarjaw, jista' jiġi stabbilit marġini medju peżat ta' dumping.

Artikolu 3

Determinazzjoni tad-dannu

1.   Taħt dan ir-Regolament, it-terminu “dannu” għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta' dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta' tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta':

(a)

il-volum ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal- Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, għandu jittieħed kont ta' jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, kemm jekk f'termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta' jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping meta mqabbla mal-prezz ta' prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta' tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa' l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b'mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

4.   Fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn iktar minn pajjiż wieħed huma fl-istess ħin soġġetti għal investigazzjonijiet kontra dumping, l-effetti ta' importazzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu stmati b'mod kumulattiv biss jekk huwa stabbilit li:

(a)

il-marġini ta' dumping stabbilit fejn jidħlu l-importazzjonijiet minn kull pajjiż huwa iktar minn de minimis kif definit fl-Artikolu 9(3) u li l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż mhuwiex negleġibbli; u

(b)

stima kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet hija xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn prodotti impurtati u l-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti impurtati u l-prodott tal-Unjoni simili.

5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta' dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inkluż il-fatt li industrija tkun għadha fi proċess ta' rkuprar mill-effetti ta' dumping jew sussidju fil-passat; il-kobor tal-marġini attwali tad-dumping; it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti u l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq il-fluss tal-flus, l-inventarji, l-impjiegi, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità ta' attrazzjoni għal kapital jew investimenti. Din il-lista mhijiex eżawrjenti, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta' dan ir-Regolament. B'mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, li fl-istess ħin ikunu qegħdin jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħrajn ma jkunx attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping taħt il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati f'dak ir-rigward għandhom jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta' importazzjonijiet mhux mibjugħin bi prezzijiet taħt il-prezz tagħhom; tnaqqis ferm fid-domanda jew tibdiliet fix-xejriet tal-konsum; prattiki kummerċjali restrittivi ta', u kompetizzjoni bejn, produtturi ta' pajjiżi terzi u tal-Unjoni; żviluppi fit-teknoloġija u prestazzjoni tal-esportazzjoni; u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni.

8.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandu jiġi stmat relattivament għall-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta' prodott simili meta dejta disponibbli jippermettu l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta' kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-produtturi u l-profitti. Jekk tali identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping għandhom jiġu stmati b'eżami tal-produzzjoni tal-idjaq grupp jew firxa ta' prodotti, li jinkludu l-prodott simili, li għalih l-informazzjoni neċessarja tista tiġi pprovduta.

9.   Theddida ta' dannu materjali għandha tkun determinata billi tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazjoni, tbassir jew possibilità remota. Il-bidla fiċ-ċirkustanzi li toħloq sitwazzjoni ta' dumping li jikkawża dannu għandha tkun ġiet imbassra b'mod ċar u għandha tkun imminenti.

Meta tkun qed tiġi determinata theddida ta' dannu materjali, għandu jittieħed kont ta' fatturi bħal:

(a)

rata sinifikanti ta' żieda fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping fis-suq tal- Unjoni li tindika li x'aktarx hemm żieda sostanzjali ta' importazzjonijiet;

(b)

jekk hemmx kapaċità libera biżżejjed min-naħa tal-esportatur jew żieda imminenti u sostanzjali f'tali kapaċità li tindika li x'aktarx hemm żieda sostanzjali ta' dumping ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, b'kont meħud tad-disponibbiltà ta' swieq oħrajn għall-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjoni addizzjonali;

(c)

jekk l-importazzjonijiet ikunux qegħdin jidħlu bi prezzijiet li kienu, sa grad sinifikanti, inaqqsu ferm il-prezzijiet jew jimpedixxu żidiet fil-prezzijiet li b'mod ieħor xorta kienu jiġru, u jekk probabbilment iżidux id-domanda għal aktar importazzjonijiet;

(d)

inventarji tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

Ebda wieħed mill-fatturi elenkat hawn fuq waħdu ma jista' neċessarjament jagħti gwida deċiżiva, iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandha tkun tali li twassal għall-konklużjoni twassal għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping huma imminenti u li, jekk ma titteħidx azzjoni ta' protezzjoni, se jsir dannu materjali.

Artikolu 4

Definizzjoni ta' industrija tal-Unjoni

1.   Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “industrija tal-Unjoni” għandu jkun interpetat bħala li jirreferi għall-produtturi kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon maġġuri, kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti, għajr li:

(a)

meta jkun hemm relazzjoni bejn il-produtturi u l-esportaturi jew l-importaturi, jew huma stess ikunu importaturi tal-prodott allegament iddampjat, it-terminu “industrija Komunitarja” jista' jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-bqija tal-produtturi;

(b)

f'każijiet eċċezzjonali, it-territorju tal-Unjoni jista', għall-produzzjoni in kwistjoni, jiġi maqsum fi tnejn jew iktar swieq kompetittivi u l-produtturi fi ħdan kull suq jistgħu jiġu meqjusa bħala industrija separata jekk:

(i)

il-produtturi fi ħdan tali suq ibigħu kollox jew kważi kollox mill-produzzjoni tagħhom tal-prodott in kwistjoni f'dak is-suq; u

(ii)

id-domanda f'dak is-suq ma tkunx sa grad sostanzjali sodisfatta mill-produtturi tal-prodott in kwistjoni li jkunu jinsabu x'imkien ieħor fl- Unjoni.

F'tali ċirkustanzi, jista jinstab li jeżisti ħsara anke fejn porzjon maġġuri tal-industrija totali tal-Unjoni ma ssirlux dannu, sakemm hemm konċentrazzjoni tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping f'tali suq iżolat u wkoll sakemm l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikunu qegħdin jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha fi ħdan tali suq.

2.   Għall-iskop tal-paragrafu 1, il-produtturi għandhom jiġu kkunsidrati bħala relatati mal-esportaturi jew l-importaturi biss jekk:

(a)

wieħed minnhom b'mod dirett jew indirett jikkontrolla lill-ieħor;

(b)

it-tnejn li huma huma kkontrollati b'mod dirett jew indirett minn terza persuna; jew

(c)

flimkien jikkontrollaw b'mod dirett jew indirett terza persuna sakemm hemm raġunijiet għat-twemmin jew is-suspett li l-effett tar-relazzjoni hija tali li ġġiegħel lill-produttur konċernat jaġixxi b'mod differenti minn produtturi mhux relatati.

Għall-iskop ta' dan il-paragrafu, wieħed għandu jkun meqjus li jikkontrolla lill-ieħor meta tal-ewwel huwa legalment jew operattivament f'pożizzjoni li jeżerċita żamma jew direzzjoni fuq tal-aħħar.

3.   Fejn l-industrija tal-Unjoni tkun ġiet interpretata li tirreferi għall-produtturi f'ċertu reġjun, l-esportaturi għandhom jingħataw opportunità li joffru impenji skont l-Artikolu 8 fir-rigward tar-reġjun konċernat. F'tali każijiet, fl-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni tal-miżuri, għandu jingħata kas speċjali tal-interess tar-reġjun. Jekk ma jkunx offrut minnufih impenn adegwat jew jekk japplikaw is-sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 8(9) u (10), jista' jiġi impost dazju provviżorju jew definittiv fir-rigward tal- Unjoni kollha. F'każijiet bħal dawn, id-dazji jistgħu, jekk prattikabbli, jkunu limitati għal produtturi jew esportaturi speċifiċi.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Bidu tal-proċedimenti

1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 6, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta' kwalunkwe dumping allegat għandha tinbeda fuq ilment bil-miktub minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li jaġixxu għan-nom tal-industrija tal-Unjoni.

L-ilment jista' jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, jew lil Stat Membru, li għandu jgħaddih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja lill-Istati Membri ta' kwalunkwe lment li tirċievi. L-ilment għandu jiġi meqjus li kien imressaq fl-ewwel ġurnata tax-xogħol wara l-kunsinna tiegħu lill-Kummissjoni permezz ta' posta rreġistrata jew wara l-għoti ta' riċevuta mill-Kummissjoni.

Fejn, fin-nuqqas ta' kwalunkwe ilment, Stat Membru jkun fil-pussess ta' biżżejjed evidenza ta' dumping u ta' dannu lill-industrija tal-Unjoni bħala riżultat, għandu immedjatament jikkomunika tali evidenza lill-Kummissjoni.

2.   Ilment taħt il-paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza ta' dumping, ta' dannu u ta' rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li allegatament ikunu l-oġġett ta' dumping u d-dannu allegat. L-ilment għandu jinkludi dik l-informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli lil min jagħmel l-ilment dwar dawn li ġejjin:

(a)

l-identità ta' min jagħmel l-ilment u deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili minn min jagħmel l-ilment. Fejn ilment bil-miktub isir għan-nom tal-industrija tal-Unjoni, l-ilment għandu jidentifika l-industrija li f'isimha jkun qiegħed isir l-ilment permezz ta' lista ta' produtturi magħrufin tal-Unjoni tal-prodott simili (jew assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili) u, sa fejn possibbli, b'deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili dikjarati minn tali produtturi;

(b)

deskrizzjoni sħiħa tal-prodott allegatament iddampjat, l-ismijiet tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni msemmija, l-identità ta' kull esportatur jew produttur barrani magħruf u lista ta' persuni magħrufa li jimpurtaw il-prodott imsemmi;

(c)

il-prezzijiet li bihom il-prodott imsemmi jiġi mibjugħ meta destinat għal konsum fis-swieq domestiċi tal-pajjiż jew il-pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni (jew, fejn xieraq, informazzjoni dwar il-prezzijiet li bihom il-prodott jiġi mibjugħ minn pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini jew ta' esportazzjoni lil pajjiż terz jew pajjiżi terzi jew fuq il-valur maħdum tal-prodott) u l-prezzijiet għall-esportazzjoni jew, fejn xieraq, il-prezzijiet li bihom il-prodott huwa l-ewwel mibjugħ mill-ġdid lil xerrej indipendenti fl-Unjoni;

(d)

it-tibdiliet fil-volum ta' importazzjonijiet allegatament iddampjati, l-effett ta' dawk l-importazzjonijiet fuq prezzijiet tal-prodott simili fuq is-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif murija mill-fatturi rilevanti u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal dawk elenkati fl-Artikolu 3(3) u (5).

3.   Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza mogħtija fl-ilment, biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li jingħata bidu lill-investigazzjoni.

4.   Investigazzjoni ma għandhiex tinbeda skont il-paragrafu 1 sakemm ma tkunx ġiet determinata, fuq il-bażi ta' eżami tal-livell ta' appoġġ għal, jew oppożizzjoni kontra, l-ilment espress mill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili, li l-ilment sar minn, jew għan-nom tal-industrija tal-Unjoni. L-ilment għandu jiġi kkunsidrat li jkun ġie magħmul minn, jew għan-nom tal-industrija tal-Unjoni jekk ikun appoġġat minn dawk il-podutturi tal-Unjoni li produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir minn dak il-porzjon tal-industrija tal-Unjoni li jesprimi appoġġ għal, jew oppożizzjoni kontra, l-ilment. Madanakollu, ebda investigazzjoni ma għandha tinbeda fejn produtturi tal-Unjoni li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili li jsir mill-industrija tal-Unjoni.

5.   L-awtoritajiet għandhom jevitaw, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, kwalunkwe pubbliċità tal-ilment li jfittex il-bidu ta' investigazzjoni. Madanakollu, wara riċevuta ta' lment dokumentat kif suppost u qabel jipproċedi għall-bidu ta' investigazzjoni, il-gvern tal-pajjiż ta' esportazzjoni konċernat għandu jiġi notifikat.

6.   Jekk, f'ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda investigazzjoni mingħajr ma tkun irċeviet ilment bil-miktub, mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha, għall-bidu ta' tali investigazzjoni, dan għandu jsir abbażi ta' evidenza suffiċjenti ta' dumping, dannu u rabta ta' kawżalità, kif deskritt fil-paragrafu 2, biex tiġġustifika tali bidu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tkun iddeterminat il-ħtieġa li tagħti bidu lil tali investigazzjoni.

7.   L-evidenza kemm ta' dumping kif ukoll tad-dannu għandha tiġi kkunsidrata fl-istess ħin fid-deċiżjoni jekk għandiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jiġi rifjutat fejn ma jkunx hemm biżżejjed evidenza ta' dumping jew ta' dannu biex tiġġustifika l-proċediment tal-każ. Ma għandhomx jinbdew proċedimenti kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrapreżentaw sehem tas-suq ta' inqas minn 1 %, sakemm tali pajjiżi kollettivament ma jirrappreżentax 3 % jew iktar mill-konsum tal-Unjoni.

8.   L-ilment jista' jiġi rtirat qabel il-bidu, f'liema każ għandu jiġi kkunsidrat bħala mhux preżentat.

9.   Fejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta' proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan fi żmien 45 jum mid-data tat-tressiq tal-ilment u għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata biżżejjed evidenza, min jagħmel l-ilment għandu jkun infurmat dwar dan fi żmien 45 jum minn dakinhar li jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-ilment normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni.

10.   In-notifika tal-bidu tal-proċedimenti għandha tħabbar il-bidu ta' investigazzjoni, tindika l-prodott u l-pajjiżi konċernati, tagħti ġabra fil-qosor tal-informazzjoni riċevuta, u tipprovdi li l-informazzjoni rilevanti kollha għandha tiġi kkomunikata lill-Kumissjoni.

Għandha turi l-perjodi li matulhom, il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni jekk tali opinjonijiet u informazzjoni għandhom jiġu meqjusa matul l-investigazzjoni. Għandha wkoll tindika l-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kumissjoni skont l-Artikolu 6(5).

11.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi magħrufa lilha li huma konċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni u lil min jagħmel l-ilment, bil-bidu tal-proċedimenti u, b'kont meħud tal-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tipprovdi t-test sħiħ tal-ilment miktub riċevut skont il-paragrafu 1 lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni, u tagħmlu disponibbli, fuq talba, lill-partijiet interessati oħra involuti. Fejn in-numru tal-esportaturi involuti jkun partikolarment għoli, it-test sħiħ tal-ilment miktub jista', minflok, jiġi pprovdut biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni rilevanti tal-kummerċ.

12.   Investigazzjoni ta' anti-dumping ma għandhiex timpedixxi l-proċeduri ta' rilaxx mid-dwana.

Artikolu 6

L-investigazzjoni

1.   Wara l-bidu tal-proċedimenti, il-Kummissjoni, li taġixxi f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, u huma għandhom jiġu investigati fl-istess ħin.

Għall-iskop ta' konklużjoni rappreżentattiva, għandu jintgħażel perjodu ta' investigazzjoni li, fil-każ ta' dumping għandu, normalment, ikopri perjodu ta' mhux inqas min sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċedimenti.

L-informazzjoni relatata ma' perjodu sussegwenti għall-perjodu ta' investigazzjoni ma għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

2.   Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji użati fl-investigazzjoni kontra d-dumping għandhom jingħataw mill-inqas 30 ġurnata biex iwieġbu. Il-limitu ta' żmien għall-esportaturi għandu jingħadd mid-data tal-irċevuta tal-kwestjonajru, li għal dan l-iskop għandu jiġi meqjus li jkun ġie riċevut ġimgħa wara l-jum li fih huwa kien ġie mibgħut lill-esportatur jew trasmess lir-rappreżentant diplomatiku adatt tal-pajjiż ta' esportazzjoni. Tista' tiġi mogħtija estensjoni ta' perjodu ta' 30 ġurnata, b'kont debitament meħud tal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, sakemm il-parti turi li hemm kawża ġusta għal tali estensjoni f'termini taċ-ċirkustanzi partikolari tagħha.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe pass meħtieġ sabiex jagħtu effett għal tali talbiet.

Huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba flimkien mar-riżultati tal-ispezzjonijiet, kontrolli jew investigazzjonijiet kollha li jkunu saru.

Fejn dik l-informazzjoni tkun ta' interess ġenerali jew fejn it-trasmissjoni tagħha ġiet mitluba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddiha lill-Istati Membri, sakemm ma tkunx kunfidenzjali, f'liema każ għandha tiġi mgħoddija ġabra fil-qosor mhux kunfidenzjali.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha neċessarji, partikolarment fost l-importaturi, negozjanti u produtturi tal-Unjoni, u biex jagħmlu investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi, sakemm l-impriżi konċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-gvern tal-pajjiż konċernat ikun ġie uffiċjalment notifikat u ma jkun qajjem ebda oġġezzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe passi meħtieġa sabiex jagħtu effett lil tali talbiet mill-Kummissjoni.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru jitlob hekk, li jassistu lill-uffiċjali tal-Istati Membri fit-twettiq tad-doveri tagħhom.

5.   Il-partijiet interessati li jkunu għamlu lilhom infushom magħrufa taħt l-Artikolu 5(10) għandhom jiġu mismugħa jekk huma, fi żmien il-perjodu stabbilit fin-notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal udjenza li turi li huma parti interessata li x'aktarx tiġi affettwata mir-riżultat tal-proċediment u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jiġu mismugħa.

6.   Għandhom ikunu provduti opportunitajiet, fuq talba, għall-importaturi u għall-esportaturi, għar-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż ta' esportazzjoni u għal min jagħmel l-ilment, li għamlu lilhom infushom magħrufin skont l-Artikolu 5(10), għal laqgħat ma' dawk il-partijiet b'interessi kuntrarji, biex jkunu jistgħu jiġu ppreżentati opinjonijiet opposti u biex jkunu jistgħu jiġu offruti argumenti ta' kontestazzjoni.

Il-provvediment għal tali opportunitajiet għandu jieħu kont tal-bżonn li tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità u tal-konvenjenza tal-partijiet.

Ma għandu jkun hemm ebda obbligu fuq kwalunkwe parti sabiex tattendi laqgħa, u nuqqas li jagħmel dan ma għandux ikun ta' preġudizzju għall-każ ta' dik il-parti.

Għandu jittieħed kont tal-informazzjoni orali mogħtija taħt dan il-paragrafu sa fejn hija tkun ikkonfermata wara bil-miktub.

7.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, utenti u organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li għamlu lilhom infushom magħrufa skont l-Artikolu 5(10), kif ukoll ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha magħmula disponibbli minn kwalunklwe parti għal investigazzjoni, bħala distinta minn dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri tagħha, li tkun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, u li tkun użata fl-investigazzjoni.

Tali partijiet jistgħu jirrispondu għal tali informazzjoni u għandu jittieħed kont tal-kummenti tagħhom, kull fejn ikunu sostanzjati biżżejjed fit-tweġiba.

8.   Għajr fiċ-ċirkustanzi li jipprevedi l-Artikolu 18, l-informazzjoni li tkun provduta mill-partijiet interessati u li fuqha huma bbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-preċiżjoni sa fejn ikun possibbli.

9.   Għall-proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), investigazzjoni għandha, kull fejn possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet għandhom fil-każijiet kollha jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar mill-bidu, skont il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 8 għal impenji jew il-konklużjonijiet magħmula skont l-Artikolu 9 għal azzjoni definittiva.

Artikolu 7

Miżuri provviżorji

1.   Id-dazji provviżorji jistgħu jiġu imposti jekk:

(a)

ikunu nbdew proċedimenti skont l-Artikolu 5;

(b)

tkun ingħatat notifika b'dak l-effett u l-partijiet interessati ġew mogħtija biżżejjed opportunità adegwata biex jissottomettu informazzjoni u jagħmlu kummenti skont l-Artikolu 5(10);

(c)

jiġi determinat provviżorjament b'mod affermattiv li sar dumping u jkun sar dannu konsegwenti lill-industrija tal-Unjoni;

(d)

l-interess tal-Unjoni jirrikjedi intervenzjoni biex jiġi impedit tali dannu.

Id-dazji provviżorji għandhom jiġu imposti mhux aktar kmieni minn 60 ġurnata mill-bidu tal-proċedimenti iżda mhux aktar tard minn disa' xhur mill-bidu tal-proċedimenti.

2.   L-ammont tad-dazju anti-dumping provviżorju ma għandux jaqbeż il-marġini ta' dumping kif provviżorjament stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk tali dazju inqas kien adatt biex jelimina d-dannu li sar lill-industrija tal-Unjoni.

3.   Id-dazji provviżorji għandhom jiġu garantiti b'garanzija, u r-rilaxx tal-prodotti konċernati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni għandu jkun taħt il-kondizzjoni ta' għotja ta' tali garanzija.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri provviżorji f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(4).

5.   Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn il-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 ikunu sodisfatti, il-Kummissjoni għandha fi żmien massimu ta' ħames ġranet ta' xogħol mill-irċevuta tat-talba, tiddeċiedi jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping provviżorju.

6.   Id-dazji provviżorji jistgħu jiġu imposti għal sitt xhur u estiżi għal tliet xhur oħra jew jistgħu jiġu imposti għal disa' xhur. Madanakollu, jistgħu jiġu biss estiżi, jew imposti għal perjodu ta' disa' xhur, fejn l-esportaturi li jirrapreżentaw persentaġġ sinifikanti tal-kummerċ involut jitolbu hekk jew ma joġġezzjonawx fuq notifika mill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Impenji

1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja ta' dumping u ta' dannu, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), taċċetta offerti ta' impenji volontarji sodisfaċenti mressqa minn kwalunkwe esportatur biex jirrivedi l-prezzijiet tiegħu jew biex jieqaf mill-esportazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta' dumping, jekk tkun sodisfatta li b'hekk jiġi eliminat l-effett ta' dannu mid-dumping.

F'tali każ u sakemm ikunu fis-seħħ dawk l-impenji, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1), jew id-dazji definittivi imposti f'konformità mal-Artikolu 9(4), skont kif ikun il-każ, ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-impenji, kif emendata sussegwentement.

Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex jiġi eliminat il-marġni tad-dumping u għandhom ikunu inqas mill-marġni ta' dumping jekk tali żidiet ikunu adegwati għall-eliminazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

2.   Jistgħu jkunu suġġeriti impenji mill-Kummissjoni, iżda ebda esportatur ma għandu jkun obbligat li jidħol f'tali impenn. Il-fatt li l-esportaturi ma joffrux tali impenji, jew li ma jaċċettawx stedina għal din, ma għandu b'ebda mod jippreġudika l-kunsiderazzjoni tal-każ.

Madanakollu, jista' jiġi determinat huwa aktar probabbli li sseħħ theddida ta' dannu jekk l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping ikomplu. M'għandhomx jintalbu jew jiġu aċċettati impenji minn esportaturi sakemm ma tkunx saret determinazzjoni affirmattiva provviżorja ta' dumping u ta' dannu kkawżat minn tali dumping.

Ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali, ma jistgħux jiġu offerti impenji aktar tard mill-aħħar tal-perjodu li matulu jistgħu jsiru rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 20(5).

3.   L-impenji offruti ma għandhomx jiġu aċċettati jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkun meqjusa bħal mhux prattika, bħal meta n-numru ta' esportaturi attwali jew potenzjali li jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inklużi raġunijiet ta' politika ġenerali. L-esportatur konċernat jista' jiġi pprovdut bir-raġunijiet li għalihom jkun propost ir-rifjut ta' impenn u jista jiġi mogħti l-opportunità li jagħmel kummenti fuqhom. Ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jingħataw fid-deċiżjoni definittiva.

4.   Il-partijiet li joffru impenn għandhom ikunu meħtieġa li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dak l-impenn, sabiex ikun jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati fl-investigazzjoni.

5.   Fejn l-impenji jkunu aċċettati, l-investigazzjoni għandha tiġi terminata. Il-Kummissjoni għandha tittermina l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

6.   Jekk l-impenji jiġu aċċettati, l-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu għandha normalment tiġi terminata. F'tali każ, jekk issir determinazzjoni negattiva ta' dumping jew ta' dannu, l-impenn għandu jaqa' awtomatikament, għajr f'każijiet fejn tali determinazzjoni tkun dovuta fil-parti kbira għall-eżistenza ta' impenn. F'tali każijiet jista jiġi meħtieġ li impenn jinżamm effettiv għal perjodu raġonevoli.

Fil-każ li ssir determinazzjoni affirmattiva ta' dumping u tal-dannu, l-impenn għandu jibqa' konsistenti f'konformità mat-termini tagħha u mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

7.   Il-Kummissjoni għandha titlob minn kwalunkwe esportatur li mingħandu jkun ġie aċċettat impenn li jipprovdi, perjodikament, informazzjoni rilevanti għat-twettiq ta' dak l-impenn u biex jippermetti verifika ta' dejta pertinenti. In-nuqqas ta' konformità ma' tali rekwiżiti għandu jitqies bħala ksur tal-impenn.

8.   Fejn jiġu aċċettati impenji minn xi esportaturi matul il-kors ta' investigazzjoni, huma għandhom, għall-iskopijiet tal-Artikolu 11, jiġu meqjusa li jieħdu effett mid-data li fiha l-investigazzjoni tiġi konkluża għall-pajjiż ta' esportazzjoni.

9.   Fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta' rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandha tiġi rtirata b'Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew Regolament tal-Kummissjoni, kif ikun xieraq, u d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f'konformità mal-Artikolu 9(4) għandu japplika awtomatikament, sakemm l-esportatur ikkonċernat ikun ingħata l-opportunità biex jikkummenta, ħlief fejn huwa jkun irtira l-impenn. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri meta tiddeċiedi li tirtira impenn.

Kull parti interessata jew Stat Membru jistgħu jissottomettu informazzjoni li tagħti prima facie prova ta' ksur ta' impenn. Il-valutazzjoni sussegwenti jekk ikunx sar ksur ta' impenn normalment għandha tiġi konkluża fi żmien sitt xhur, iżda f'ebda każ f'aktar minn disa' xhur wara talba debitament sostanzjata.

Il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-monitoraġġ ta' impenji.

10.   Jista' jiġi impost dazju provviżorju f'konformità mal-Artikolu 7 abbażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli fejn ikun hemm raġuni biex wieħed jaħseb li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għal dak l-impenn ma tkunx ġiet konkluża.

Artikolu 9

Terminazzjoni mingħajr miżuri; impożizzjoni ta' dazji definittivi

1.   Fejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċedimenti jistgħu jiġu terminati sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

2.   Fejn ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi, l-investigazzjoni jew il-proċedimenti għandhom jiġu terminati. Il-Kummissjoni għandha tittermina l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3).

3.   Għal proċedimenti mibdija skont l-Artikolu 5(9), id-dannu għandu normalment jitqies bħala negliġibbli fejn l-importazzjonijiet konċernati jirrappreżentaw inqas mill-volumi stabbiliti fl-Artikolu 5(7). Għall-istess proċedimenti, għandu jkun hemm terminazzjoni immedjata fejn jiġi stabbilit li l-marġini ta' dumping huwa inqas minn 2 %, espress bħala persentaġġ tal-prezz tal-esportazzjoni, għalkemm għandha tkun biss l-investigazzjoni li tiġi terminata fejn il-marġini jkun taħt 2 % għall-esportaturi individwali u huma għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċedimenti u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għall-pajjiż konċernat skont l-Artikolu 11.

4.   Fejn il-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm dumping u dannu kkaużat minnu, u li jkun meħtieġ, fl-interess tal-Unjoni, intervent f'konformità mal-Artikolu 21, għandu jiġi impost dazju anti-dumping definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artiklu 15(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji provviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel tali dazji jiskadu.

L-ammont tad-dazju anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda għandu jkun inqas mill-marġni jekk tali dazju inqas ikun adegwat biex jiġi eliminat id-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

5.   Għandu jiġi impost dazju anti-dumping f'ammonti adatti f'kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja, fuq importazzjonijiet ta' prodott, mis-sorsi kollha, li jinstab li kien l-oġġett ta' dumping u li kkawża d-dannu, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li minnhom ġew aċċettati impenji taħt it-termini ta' dan ir-Regolament.

Ir-regolament li jimponi miżuri anti-dumping għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, il-pajjiż fornitur ikkonċernat. Il-fornituri li huma ġuridikament distinti minn fornituri oħra jew li huma ġuridikament distinti mill-Istat jistgħu madankollu jkunu kkunsidrati bħala entità waħda sabiex jiġi speċifikat id-dazju. Għall-applikazzjoni ta' dan is-subparagrafu, jista' jittieħed kont ta' fatturi bħall-eżistenza ta' konnessjonijiet strutturali jew korporattivi bejn il-fornituri u l-Istat jew bejn il-fornituri, il-kontroll jew l-influwenza materjali mill-Istat fir-rigward tal-ipprezzar u l-produzzjoni, jew l-istruttura ekonomika tal-pajjiż fornitur.

6.   Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-eżami tagħha skont l-Artikolu 17, kwalunkwe dazju anti-dumping applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu ressqu d-dettalji tagħhom skont l-Artikolu 17 iżda li ma kinux ġew inklużi fl-eżami ma għandux jaqbeż il-marġini medju peżat ta' dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun, irrispettivament minn jekk il-valur normali għal tali partijiet huwiex determinat abbażi tal-Artikolu 2(1) sa (6) jew tal-punt (a) tal-Artikolu 2(7).

Għall-għan ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora kwalunkwe marġini żero u de minimis, u marġini stabbiliti fiċ-ċirkustanzi msemmijin fl-Artikolu 18.

Għandhom jiġu applikati dazji individwali għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li huwa mogħti trattament individwali, kif previst fl-Artikolu 17.

Artikolu 10

Retroattività

1.   Il-miżuri provviżorji u d-dazji anti-dumping definittivi għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu f'ċirkolazzjoni ħielsa wara ż-żmien meta d-deċiżjoni meħuda taħt l-Artikoli 7(1) jew 9(4), kif jista' jkun il-każ, tidħol fis-seħħ, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun ġie applikat dazju provviżorju u l-fatti kif finalment stabbiliti juru li hemm id-dumping u d-dannu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, irrispettivament minn jekk għandux jiġi impost dazju anti-dumping definittiv, liema proporzjon tad-dazju provviżorju għandu jinġabar b'mod definittiv.

Għal dak l-iskop, it-terminu “dannu” ma għandux jinkludi dewmien materjali tal-istabbiliment ta' industrija tal-Unjoni, lanqas theddida ta' dannu materjali, għajr fejn jinstab li dan seta', fin-nuqqas ta' miżuri provviżorji, żviluppa f'dannu materjali. Fil-każijiet l-oħra kollha li jinvolvu tali theddida jew tali dewmien, kwalunkwe ammont provviżorju għandu jiġi rilaxxat u d-dazji definittivi jistgħu jiġu imposti biss mid-data li fiha tkun saret determinazzjoni finali ta' theddida jew ta' dewmien materjali.

3.   Jekk id-dazju anti-dumping definittiv ikun ogħla mid-dazju provviżorju, id-differenza ma għandhiex tiġi miġbura. Jekk id-dazju definittiv ikun inqas mid-dazju provviżorju, id-dazju għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid. Fejn tkun negattiva d-determinazzjoni finali, id-dazju provviżorju ma għandux jiġi konfermat.

4.   Jista' jinġabar dazju anti-dumping definittiv minn fuq prodotti li ddaħħlu għall-konsum mhux iktar minn 90 ġurnata qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji iżda mhux qabel il-bidu tal-investigazzjoni, sakemm:

(a)

l-importazzjonijiet ikunu ġew irreġistrati skont l-Artikolu 14(5);

(b)

il-Kummissjoni tkun tat l-opportunità lill-importaturi konċernati li jikkummentaw;

(c)

ikun hemm, għall-prodott konċernat, storja ta' dumping tul perjodu estiż, jew l-importatur kien konxju, jew kellu jkun konxju, tad-dumpingfir-rigward tal-grad tad-dumping u d-dannu allegat jew misjub;

(d)

addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta' investigazzjoni, ikun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta' meta sseħħ u l-volum u ċirkustanzi oħra, probabbilment timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li għandu jiġi applikat.

5.   F'każijiet ta' ksur jew irtirar ta' impenji, jistgħu jinġabru dazji definittivi minn fuq merkanzija mdaħħla għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa mhux iktar minn 90 ġurnata qabel l-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 14(5), u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva ma għandhiex tapplika għal importazzjonijiet imdaħħlin qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn.

Artikolu 11

Durata, reviżjonijiet u rifużjonijiet

1.   Miżura kontra d-dumping għandha tibqa' fis-seħħ biss sa meta, u sa fejn, ikun meħtieġ li jiġi oppost d-dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu.

2.   Miżura anti-dumping definittiva għandha tiskadi ħames snin mill-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni riċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, sakemm ma jiġix determinat f'reviżjoni li tal-iskadenza probabbilment twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu. Tali reviżjoni ta' skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta', produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa' fis-seħħ sa meta jibqa' pendenti r-riżultat ta' dik ir-reviżjoni.

Reviżjoni ta' skadenza għandha tinbeda fejn it-talba tinkludi evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri probabbilment tirriżulta f'kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping u dannu. Tali probabbiltà tista', per eżempju, tiġi indikata b'evidenza ta' dumping u dannu kontinwati jew evidenza li l-eliminazzjoni tad-dannu hija parzjali jew ikkawżata biss mill-eżistenza ta' miżuri jew evidenza li ċ-ċirkustanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbilità ta' aktar dumping b'dannu.

Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu, l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jikkontestaw jew jikkummentaw dwar il-materji stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u l-konklużjonijiet li jsiru għandhom jieħdu debitament kont tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata, ippreżentata fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskadenza tal-miżuri probabbilment twassalx, jew le, għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta' dumping u tal-dannu.

Għandha tiġi ppubblikata notifika tal-iskadenza viċina f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f'mument adatt fis-sena finali tal-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri finali kif definiti f'dan il-paragrafu. Sussegwentement, il-produtturi tal-Unjoni għandhom, mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-aħħar tal-perjodu ta' ħames snin, ikunu intitolati li jagħmlu talba ta' reviżjoni skont it-tieni sub-paragrafu. Għandha wkoll tiġi ppublikata notifika li tħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri skont dan il-paragrafu.

3.   Il-ħtieġa tal-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni ta' miżuri tista' tiġi riveduta wkoll, fejn dan ikun kunsiljabbli, fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew, sakemm ikun għadda perjodu raġonevoli ta' mill-inqas sena mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq talba minn kwalunkwe esportatur jew importatur jew mill-produtturi tal-Unjoni li tinkludi biżżejjed evidenza li tissostanzja l-ħtieġa ta' tali reviżjoni interim.

Għandha tinbeda reviżjoni interim fejn it-talba tinkludi evidenza biżżejjed li l-impożizzjoni kontinwata tal-miżura ma għadhiex aktar neċessarja biex tikkumpensa għad-dumping u/jew li d-dannu probabbilment ma jitkompliex jew ma jerġax jokkorri kieku l-miżura kellha titneħħa jew tiġi varjata, jew li l-miżura eżistenti mhijiex, jew ma għadhiex iktar, biżżejjed sabiex tirribatti d-dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu.

Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni tista', inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkustanzi fir-rigward tad-dumping u d-dannu, tbiddlux b'mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti ikunux qegħdin jilħqu r-riżultati maħsuba fl-eliminazzjoni tad-dannu preċedentement determinat taħt l-Artikolu 3. F'dak ir-rigward, għandu jittieħed kont, fid-determinazzjoni finali, tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata.

4.   Għandha ssir ukoll reviżjoni għall-iskop li jiġu stabbiliti l-marġini individwali tad-dumping għal esportaturi ġodda fil-pajjiż ta' esportazzjoni in kwistjoni li ma jkunux esportaw il-prodott matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqha kienu bbażati l-miżuri.

Ir-reviżjoni għandha tinbeda fejn esportatur ġdid jew produttur jista' juri li mhuwiex relatat ma ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fil-pajjiż ta' esportazzjoni li jkun soġġett għall-miżuri anti-dumping kontra l-prodott, u li attwalment esporta lill-Unjoni wara l-perjodu ta' investigazzjoni, jew fejn jista' juri li daħal f'obbligu kuntrattwali rrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lill-Unjoni.

Għandha tinbeda, u ssir b'mod aċċellerat, reviżjoni għal esportatur ġdid wara li l-produtturi tal-Unjoni jkunu ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda reviżjoni għandu jirrevoka d-dazju fis-seħħ fir-rigward tal-esportatur ġdid konċernat billi jiġi emendat ir-regolament li impona tali dazju, u billi l-importazzjonijiet jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) sabiex jiġi żgurat li, f'każ li r-reviżjoni tirriżulta f'determinazzjoni li kien hemm dumping fir-rigward ta' tali esportatur, jkunu jistgħu jinġabru dazji anti-dumping retroattivament għad-data tal-bidu tar-reviżjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw fejn ikunu ġew imposti dazji taħt l-Artikolu 9(6).

5.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' proċeduri u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet, ħlief għal dawk relatati ma' limiti ta' żmien, għandhom japplikaw għal kull reviżjoni li ssir skont il-paragrafi 2, 3 u 4.

Ir-reviżjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru malajr u normalment għandhom jintemmu fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidu tar-reviżjoni. F'kull ċirkostanza, ir-reviżjonijiet skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien 15-il xahar minn meta jinbdew.

Ir-reviżjonijiet skont il-paragrafu 4 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien disa' xhur mid-data meta jinbdew.

Jekk tinbeda reviżjoni taħt il-paragrafu 2 waqt li tkun qiegħda ssir reviżjoni skont il-paragrafu 3 fl-istess proċedimenti, ir-reviżjoni skont il-paragrafu 3 għandha tintemm fl-istess mument meta tintemm ir-reviżjoni skont il-paragrafu 2.

Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-terminu tal-iskadenzi speċifikati fit-tieni, it-tielet u r-raba' subparagrafi, il-miżuri għandhom:

jiskadu f'investigazzjonijiet skont il-paragrafu 2,

jiskadu fil-każ ta' investigazzjonijiet magħmulin skont il-paragrafi 2 u 3 b'mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni skont il-paragrafu 2 kienet inbdiet waqt li kienet qiegħda ssir reviżjoni taħt il-paragrafu 3 fl-istess proċedimenti jew fejn tali reviżjonijiet inbdew fl-istess mument, jew

jibqgħu l-istess f'investigazzjonijiet skont il-paragrafi 3 u 4.

Sussegwentement għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-iskadanza fattwali jew iż-żamma tal-miżuri skont dan il-paragrafu.

6.   Ir-rieżamijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tibdiex jew le r-rieżamijiet taħt il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba operatur jew Stat Membru jkun ressaq talba li tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha tagħha, jew ladarba l-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li tiġi riveduta l-ħtieġa tal-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżuri.

Fejn ikun kunsiljabbli skont ir-reviżjonijiet, il-miżuri għandhom, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3), jitħassru jew jinżammu fis-seħħ skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew jitħassru, jinżammu jew jiġu emendati skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.

Fejn jitħassru miżuri għal esportaturi individwali, iżda mhux għall-pajjiż kollu, tali esportaturi għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu, awtomatikament, jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għal dak il-pajjiż skont dan l-Artikolu.

7.   Fejn tkun qiegħda ssir reviżjoni tal-miżuri skont il-paragrafu 3 fl-aħħar tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri kif definit fil-paragrafu 2, tali reviżjoni għandha tkopri wkoll iċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafu 2.

8.   Minkejja l-paragrafu 2, importatur jista' jitlob ir-rifużjoni ta' dazji miġburin fejn jintwera li l-marġini tad-dumping, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li jkun inqas mill-livell tad-dazju fis-seħħ.

Fit-talba ta' rifużjoni ta' dazji kontra d-dumping, l-importatur għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata permezz ta' Stat Membru tat-territorju li fih il-prodotti ġew rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien ġie debitament determinat mill-awtoritajiet kompetenti l-ammont tad-dazji definittivi li kellhom jinġabru jew mid-data li fiha kienet ittieħdet deċiżjoni definittiva biex jinġabru l-ammonti ggarantiti permezz ta' dazju provviżorju. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba minnufih lill-Kummissjoni.

Applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi kkunsidrata biss bħala debitament appoġġata permezz ta' evidenza fejn din ikollha informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta' rifużjoni ta' dazji anti-dumping mitluba u d-dokumentazzjoni doganali kollha relatata mal-kalkolu u l-pagament ta' tali ammont. Hija għandha wkoll tinkludi evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-valuri normali u prezzijiet tal-esportazzjoni għall-Unjoni, għall-esportatur jew il-produttur li għalih japplika d-dazju. F'każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat mal-esportatur jew mal-produttur konċernat u tali informazzjoni ma tkunx immedjatament disponibbli, jew fejn l-esportatur jew il-produttur ma jixtieqx jagħti din l-informazzjoni lill-importatur, l-applikazzjoni għandu jkun fiha dikjarazzjoni mill-esporatur jew il-produttur li l-marġini tad-dumping ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f'dan l-Artikolu, u li l-evidenza rilevanti ta' sostenn se tingħata lill-Kummissjoni. Fejn tal-esportatur jew il-produttur ma jkunx dispost li jipprovdi tali evidenza f'perjodu raġonevoli ta' żmien, l-applikazzjoni għandha tiġi rifjutata.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex, u sa fejn, tiġi aċċettata l-applikazzjoni, jew tista' tiddeċiedi fi kwalunkwe mument li tibda rieżami interim, fejn l-informazzjoni u l-konklużjonijiet minn tali rieżami magħmul f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għal tali rieżami għandhom jintużaw biex jiġi determinat jekk tkunx ġustifikata, u sa fejn, rifużjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba hija tlesti l-analiżi tagħha tal-applikazzjoni.

Ir-rifużjonijiet ta' dazji għandhom normalment isiru fi żmien 12-il xahar, u taħt ebda ċirkustanzi iktar tard minn 18-il xahar wara d-data li fiha tkun saret talba għal rifużjoni, debitament sostnuta permezz ta' evidenza, minn importatur tal-prodott soġġett għad-dazju kontra d-dumping.

Il-ħlas ta' kwlunkwe rifużjoni awtorizzata għandu normalment isir mill-Istati Membri fi żmien 90 ġurnata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

9.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta' reviżjoni jew ta' rifużjoni li jsiru skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jkunux tbiddlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, waqt li jittieħed debitament kont tal-Artikolu 2, u b'mod partikolari tal-paragrafi 11 u 12 tiegħu, u tal-Artikolu 17.

10.   Fi kwalunwke investigazzjoni magħmula taħt dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina l-affidabilità tal-prezzijiet ta' esportazzjoni skont l-Artikolu 2. Madanakollu, fejn jiġi deċiż li jinħadem il-prezz ta' esportazzjoni konformement mal-Artikolu 2(9), hija għandha tikkalkulah mingħajr ebda tnaqqis għall-ammont ta' dazji anti-dumping imħallsa meta tiġi pprovduta evidenza konklużiva li d-dazju huwa debitament rifless fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid u fil-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti fl-Unjoni.

Artikolu 12

Assorbiment

1.   Fejn l-industrija tal-Unjoni jew kwalunkwe parti interessata oħra tibgħat, normalment fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri, informazzjoni biżżejjed li turi li, wara l-perijodu tal-investigazzjoni oriġinali u qabel jew wara l-impożizzjoni ta' miżuri, il-prezzijiet ta' esportazzjoni naqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment, jew moviment insuffiċjenti, fil-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid jew fil-prezzijiet ta' bejgħ sussegwenti tal-prodott importat fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista' tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni biex jiġi eżaminat jekk il-miżura ħallitx effetti fuq il-prezzijiet imsemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri hekk kif parti interessata tkun ippreżentat informazzjoni suffiċjenti biex tiġġustifika li jingħata bidu mill-ġdid lill-investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din.

L-investigazzjoni tista' ukoll terġa' tinbeda, taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru.

2.   Matul investigazzjoni mill-ġdid taħt dan l-Artikolu, l-esportaturi, l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jikkjarifikaw is-sitwazzjoni fir-rigward tal-prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid u tal-prezzijiet tal-bejgħ sussegwenti. Jekk jiġi konkluż li l-miżura kellha twassal għal movimenti f'tali prezzijiet, konsegwentement, sabiex jiġi eliminat id-dannu determinat qabel skont l-Artikolu 3, il-prezzijiet tal-esportazzjoni għandhom jiġu stmati mill-ġdid skont l-Artikolu 2 u l-marġini tad-dumping għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid biex jittieħed kont tal-prezzijiet tal-esportazzjoni stmati mill-ġdid. Fejn ikun ikkunsidrat li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 12(1) huma sodisfatti minħabba f'riduzzjoni fil-prezzijiet ta' esportazzjoni li tkun ġrat wara l-perjodu oriġinali ta' investigazzjoni u qabel jew wara l- impożizzjoni ta' miżuri, jistgħu jiġu kalkolati mill-ġdid marġini tad-dumping biex jittieħed kont ta' tali prezzijiet imnaqqsa tal-esportazzjoni.

3.   Fejn investigazzjoni mill-ġdid skont dan l-Artikolu turi li d-dumping ikun żdied, il-miżuri fis-seħħ jistgħu jiġu emendati mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3), f'konformità mal-konklużjonijiet il-ġodda dwar il-prezzijiet ta' esportazzjoni. L-ammont ta' dazju anti-dumping impost taħt dan l-Artikolu ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont tad-dazju impost inizjalment.

4.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 5 u 6 għandhom japplikaw għal kull investigazzjoni mill-ġdid li ssir taħt dan l-Artikolu, ħlief li tali investigazzjoni mill-ġdid għandha issir malajr u għandha normalment tintemm fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid. Fi kwalunkwe każ, tali investigazzjonijiet mill-ġdid għandhom fil-każijiet kollha jintemmu fi żmien disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni mill-ġdid.

Jekk l-investigazzjoni mill-ġdid ma tintemmx fl-iskadenzi speċifikati fl-ewwel subparagrafu, il-miżuri ma għandhomx jinbidlu. Għandu jiġi ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar iż-żamma fis-seħħ tal-miżuri skont dan il-paragrafutal-.

5.   It-tibdiliet allegati fil-valur normali għandu biss jittieħed kont tagħhom taħt dan l-Artikolu fejn informazzjoni kompluta dwar il-valuri normali riveduti, debitament sostanzjati minn evidenza, issir disponibbli għall-Kummissjoni fi żmien il-limiti ta' żmien stabbiliti fin-notifika tal-bidu ta' investigazzjoni. Fejn investigazzjoni tinvolvi eżami mill-ġdid tal-valuri normali, l-importazzjonijiet jistgħu jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) sa kemm jibqa' pendenti r-riżultat tal-investigazzjoni mill-ġdid.

Artikolu 13

Evażjoni

1.   Id-dazji kontra d-dumping imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

Id-dazji kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju anti-dumping residwu impost skont l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma soġġetti għal miżuri meta tkun qiegħda ssir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

L-evażjoni hija definita bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-Unjoni, li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma jkunx hemm, kif dovut, raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju, u fejn ikun hemm evidenza ta' dannu jew li l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu imminati fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili, u fejn ikun hemm evidenza ta' dumping relattivament għall-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fit-tielet subparagrafu jinkludu, inter alia:

(a)

il-modifika żgħira tal-prodott konċernat biex jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzali tiegħu;

(b)

il-kunsinna tal-prodott soġġett għall-miżuri permezz ta' pajjiżi terzi;

(c)

l-organizzazzjoni mill-ġdid mill-esportaturi u l-produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ tagħhom fil-pajjiż soġġett għall-miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn l-Unjoni permezz ta' produtturi li jibbenefikaw minn dazju individwali li hu inqas minn dak li japplika għall-prodotti tal-fabbrikanti;

(d)

fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta' partijiet minn operazzjoni tal-assemblaġġ fl-Unjoni jew f'pajjiż terz.

2.   Operazzjoni ta' assembleġġ fl-Unjoni jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

(a)

l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma derivanti mill-pajjiż soġġett għall-miżuri; u

(b)

il-partijiet jikkostitwixxu 60 % jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat, ħlief li f'ebda każ ma għandha titqies li qed issir evażjoni fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta' assembleġġ jew ta' kompletazzjoni, ikun ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-fabbrikazzjoni; u

(c)

l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu qegħdin jiġu mminati f'termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott simili assemblat u jkun hemm evidenza ta' dumping relattivament għall-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-prodotti simili jew bħalhom.

3.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skont dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru jew ta' kwalunkwe parti interessata fuq il-bażi ta' evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-bidu tal-investigazzjonijiet għandu jsir permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jista' wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 14(5) jew biex jitolbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jkunu ppreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.

L-investigazzjonijiet għandhom isiru mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn awtoritajiet doganali u l-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien disa' xhur.

Fejn il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 15(3). L-estensjoni ssir effettiva mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5), jew li fiha ntalbu l-garanziji. Id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-bidu u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet għandhom japplikaw skont dan l-Artikolu.

4.   L-importazzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5) jew għal miżuri fejn ikunu negozjati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet.

It-talbiet għall-eżenzjonijiet debitament sostnuti minn evidenza għandhom jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda' l-investigazzjoni.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni jsiru barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' xi produttur li hu soġġett għall-miżuri u li jinstabu li ma jkunux qed jeżerċitaw xi prattika ta' ta' evażjoni kif hemm definit fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni jsiru ġewwa l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

Dawk l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b'deċiżjoni tal-Kummissjoni u għandhom jibqgħu validi għall-perjodu u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tlesti l-analiżi tagħha.

Sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(4), jistgħu ukoll jingħataw eżenzjonijiet wara li tintemm l-investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

Sakemm tkun għaddiet għall-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta' partijiet li jitolbu jew potenzjalment jitolbu eżenzjoni jkun sinifikattiv, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibda' reviżjoni tal-estensjoni tal-miżuri. Kull tali reviżjoni għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(5) kif applikabbli għar-reviżjonijiet taħttal-Artikolu 11(3).

5.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jipprekludi l-applikazzjoni normali tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 14

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għandhom jiġu imposti dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi permezz ta' regolament, u miġbura mill-Istati Membri, fil-forma, u r-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħrajn stabbiliti fir-regolament li jimponi tali dazji. Tali dazji għandhom ukoll jiġu miġbura indipendentement mid-dazji tad-dwana, taxxi u imposti l-oħrajn normalment imposti fuq l-importazzjonijiet.

Ebda prodott ma għandu jkun soġġett kemm għal dazji anti-dumping kif ukoll għal dazji kumpensatorji bl-iskop li tiġi indirizzata l-istess sitwazzjoni derivata minn dumping jew minn sussidji fuq l-esportazzjoni.

2.   Ir-regolamenti li jimponu dazji anti-dumping provviżorji jew definittivi, u r-regolamenti jew deċiżjonijiet li jaċċettaw l-impenji jew li jitterminaw l-investigazzjonijiet jew proċedimenti, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Tali regolamenti jew deċiżjonijiet għandhom jinkludu b'mod partikolari, u b'kont debitament meħud tal-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, l-ismijiet tal-esportaturi, jekk possibbli, jew tal-pajjiżi involuti, deskrizzjoni tal-prodott u ġabra fil-qosor tal-fatti materjali u kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjonijiet ta' dumping u tal-dannu. F'kull każ, għandha tintbagħat kopja tar-regolament jew deċiżjoni lill-partijiet interessati magħrufa. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-reviżjonijiet.

3.   Dispożizzjonijiet speċjali, b'mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni komuni tal-kunċett ta' oriġini, kif jinsab fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistgħu jiġu adottati skont dan ir-Regolament.

4.   Fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri imposti skont dan ir-Regolament jistgħu jiġu sospiżi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2) għal perijodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni tista' tiġi estiża għal perijodu ulterjuri, li ma jkunx iżjed minn sena, mill-Kummissjoni li taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

Il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi biss fejn il-kondizzjonijiet tas-suq jkunu nbidlu temporanjament sal-punt li jkun improbabbli li d-dannu jerġa' jokkorri bħala riżultat tas-sospensjoni, u sakemm l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u dawk il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. Il-miżuri jistgħu fi kwalunkwe żmien jerġgħu jiddaħħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2) jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx għadha applikabbli.

5.   Il-Kummissjoni tista', wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien debitu, tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw l-importazzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjonili tinkludi biżżejjed evidenza biex tiġġustifika tali azzjoni. Ir-reġistrazzjoni għandha tiġi introdotta permezz ta' regolament li għandu jispeċifika l-iskop tal-azzjoni u, jekk xieraq, l-ammont stmat ta' obbligazzjoni futura possibbli. L-importazzjonijiet ma għandhomx jiġu magħmula soġġetti għal reġistrazzjoni ta' perjodu itwal minn disa' xhur.

6.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni kull xahar dwar il-kummerċ tal-importazzjoni fil-prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta' dazji miġbura skont dan ir-Regolament.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri, fuq bażi ta' każ b'każ, biex jagħtu l-informazzjoni neċessarja biex isir monitoraġġ effiċjenti tal-applikazzjoni tal-miżuri. F'dan ir-rigward, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4). Kull dejta ppreżentata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu għandha tkun koperta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(6).

Artikolu 15

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

5.   Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' miżuri definittivi skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew għad-deċiżjoni biex jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' skadenza skont l-Artikolu 11(6) ta' dan ir-Regolament, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn tkun saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżura fil-kumitat, tali proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza sempliċi ta' membri tal-kumitat. Fejn isir użu mill-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn ma tkunx saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżuri fil-kumitat, tali proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew jekk dan jintalab minn tal-inqas kwart tal-membri tal-kumitat.

6.   Il-kumitat jista' jikkunsidra kull materja relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sollevata mill-Kummissjoni jew fuq talba minn Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni u jistgħu jiskambjaw fehmiet fil-kumitat jew direttament mal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Żjarat ta' verifika

1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn tikkunsidra xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta' importaturi, esportaturi, negozjanti, aġenti, produtturi, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-kummerċ u biex tivverifika informazzjoni mogħtija dwar dumping u dannu. Fin-nuqqas ta' risposta xierqa u fil-ħin, il-Kummissjoni tista' tagħżel li ma tagħmilx żjara ta' verifika.

2.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm tikseb il-kunsens tal-kumpanniji konċernati, tavża lir-rappreżentanti tal-gvern tal-pajjiż konċernat u dan tal-aħħar ma joġġezzjonax għall-investigazzjoni. Malli jinkiseb il-kunsens mill-kumpanniji konċernati, il-Kummissjoni għandha tavża lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta' esportazzjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-kumpanniji li għandhom jirċievu żjara u d-dati miftiehma.

3.   Il-kumpanniji konċernati għandhom jiġu notifikati dwar ix-xorta ta' informazzjoni li għandha tiġi vverifikata matul iż-żjarat ta' verifika u bi kwalunkwe informazzjoni oħra li tinħtieġ tiġi provduta matul tali żjarat, għalkemm dan ma jipprekludiex talbiet, magħmula matul il-verifika, għal iktar dettalji li jkollhom jiġu provduti fid-dawl tal-informazzjoni miksuba.

4.   Fl-investigazzjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn uffiċjali ta' dawk l-Istati Membri li jitolbu hekk.

Artikolu 17

Teħid ta' kampjuni

1.   F'każijiet fejn in-numru ta' min jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta' prodott jew it-transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista' tiġi limitata għal numru raġonevoli ta' partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta' teħid ta' kampjuni li jkunu statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

2.   L-għażla finali ta' partijiet, tipi ta' prodotti jew transazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjunament għandha tibqa' f'idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta' kampjun f'konsultazzjoni ma', u bil-kunsens ta', il-partijiet konċernati, sakemm tali partijiet jagħmlu lihom infushom magħrufin u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex jagħmluha possibbli li jiġi magħżul kampjun rappreżentattiv.

3.   F'każijiet fejn l-investigazzjoni tkun ġie limitata skont dan l-Artikolu, għandu, madanakollu, jiġi kkalklulat marġni individwali ta' dumping għal kwalunkwe esportatur jew produttur mhux inizjalment magħżul li jippreżenta l-informazzjoni neċessarja fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, ħlief fejn in-numru ta' esportaturi jew produtturi jkun daqshekk kbir li eżamijiet individwali kienu jkunu ta' piż mhux dovut u kienu jimpedixxu t-tlestija tal-investigazzjoni f'qasir żmien.

4.   Fejn huwa deċiż li jittieħed kampjun u jkun hemm grad ta' nuqqas ta' kooperazzjoni minn ftit jew ħafna mill-partijiet magħżula b'mod li probabbilment jaffettwa materjalment ir-riżultat tal-investigazzjoni, jista' jiġi magħżul kampjun ġdid.

Madanakollu, jekk ikun jippersisti grad materjali ta' nuqqas ta' kooperazzjoni jew ma jkunx hemm ħin biżżejjed biex jiġi magħżul kampjun ġdid, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18 għandhom japplikaw.

Artikolu 18

Nuqqas ta' kooperazzjoni

1.   F'każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għal, jew b'mod ieħor ma tipprovdix, informazzjoni neċessarja fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, jew sinifikattivament timpedixxi l-investigazzjoni, jistgħu jsiru konklużjoniet provviżorji jew finali, affirmattivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi injorata u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu magħmula konxji mill-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni.

2.   In-nuqqas ta' għoti ta' risposta kompjuterizzata ma għandhiex tiġi meqjusa li tikkonstitwixxi nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni ta' risposta kif mitluba kienet tirriżulta f'oneru żejjed bla raġuni jew fi spiża żejda u mhux raġonevoli.

3.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn parti interessata ma tkunx ideali f'kull rispett, din ma għandhiex madanakollu tiġi injorata, sakemm kwalunkwe defiċenza ma tkunx tali li tikkawża diffikultà mhux dovuta sabiex issir konklużjoni raġonevolment preċiża u sakemm l-informazzjoni tiġi ppreżentata b'mod adegwat f'qasir żmien u tkun verifikabbli, u li l-parti tkun aġixxiet bl-aħjar mod li tista'.

4.   Jekk xi evidenza jew informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tforni l-informazzjoni għandha tiġi minnufih infurmata bir-raġunijiet għal dan u għandha tiġi mogħtija l-opporunità li tipprovdi iktar spjegazzjonjiet fiil-limitu ta' żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jiġu kkunsidrati mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għar-rifjut ta' tali evidenza jew informazzjoni għandhom jiġu rivelati u mogħtija f'konklużjonijiet ippubblikati.

5.   Jekk id-determinazzjonijiet, inklużi dawk li jirrigwardaw il-valur normali, ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni fornita fl-ilment, dan għandu, fejn prattikabbli u b'kont meħud tal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, jiġi kontrollat b'referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu ikunu disponibbli, bħal listi ta' prezzijiet ippubblikati, statistika uffiċjali dwar tal-importazzjoni u r-returns tad-dwana, jew informazzjoni miksuba minn partijiet interessati oħrajn matul l-investigazzjoni.

Tali informazzjoni tista' tinkludi dejta rilevanti li tikkonċerna s-suq dinji jew swieq oħra rappreżentattivi, fejn ikun il-każ.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, u b'hekk tinżamm informazzjoni rilevanti, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku kkoperat.

Artikolu 19

Kunfidenzjalità

1.   Kwalunkwe informazzjoni li hija ta' xorta kunfidenzjali, (per eżempju, minħabba li r-rivelazzjoni tagħha tkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal xi kompetitur jew kien ikollha effett kuntrarju sinifikanti fuq persuna li tforni l-informazzjoni jew fuq persuna li minn għandha l-persuna li tforni l-informazzjoni ikun akkwista l-informazzjoni) jew li hija mogħtija fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għall-investigazzjoni għandha, jekk tiġi murija raġuni tajba, tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet.

2.   Partijiet interessati li jagħtu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu meħtieġa li jfornu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu li tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tal-informazzjoni ppreżentata b'kunfidenzjalità. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F'tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tiġi mogħtija dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli.

3.   Jekk jiġi kkunsidrat li mhijiex ġustifikata talba għall-kunfidenzjalità u jekk il-fornitur tal-informazzjoni mhuwiex lest li jagħmel l-informazzjoni disponibbli jew li jawtorizza r-rivelazzjoni tagħha taħt forma ġeneralizzata jew f'taqsira, tali informazzjoni tista' tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b'mod sodisfaċenti minn sorsi adatti li l-informazzjoni hija korretta. It-talbiet għall-kunfidenzjalità ma għandhomx jiġu rifjutati b'mod arbitrarju.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux jipprekludi r-rivelazzjoni ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari, tar-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati d-deċiżjonijiet meħuda skonttaħt dan ir-Regolament, jew ir-rivelazzjoni tal-evidenza li fuqha bbażaw l-argumenti tagħhom l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn ikun meħtieġ li jiġu spjegati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali rivelazzjoni għandha tieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet konċernati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku min dak il-fornitur. Skambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew ta' kwalunkwe dokument intern preparat mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri, ma għandhomx jiġu żvelati ħlief kif speċifikament stipulat f'dan ir-Regolament.

6.   L-informazzjoni riċevuta skont dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba.

Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda għall-iskop li jinbdew investigazzjonijiet oħra fl-istess proċedimenti relattivament għall-prodott ikkonċernat.

Artikolu 20

Rivelazzjoni

1.   Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta' esportazzjoni, jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni tad-dettalji sottostanti l-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri provviżorji. It-talbiet għal tali rivelazzjoni għandhom isiru bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, u r-rivelazzjoni għandha ssir bil-miktub kemm jista' jkun malajr possibbli wara.

2.   Il-partijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu r-rivelazzjoni finali tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom huwa maħsub li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta' investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri, b'attenzjoni partikolari mogħtija lir-rivelazzjoni ta' kwalunkwe fatti jew kunsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

3.   It-talbiet għar-rivelazzjoni finali, kif definita fil-paragrafu 2, għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bil-miktub u jiġu riċevuti, f'każijiet fejn ġie impost dazju provviżorji, mhux iktar tard minn xahar wara l-pubblikazzjoni tal-impożizzjoni ta' dak id-dazju. Fejn ma jkunx ġie impost dazju provviżorju, il-partijiet għandhom jingħataw opportunità li jitolbu rivelazzjoni finali fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

4.   Ir-rivelazzjoni finali għandha tingħata bil-miktub. Din għandha ssir, b'kont debitament meħud tal-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista' jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel il-bidu tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 9. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tirrivela ċerti fatti jew kunsiderazzjonijiet f'dak il-mument, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista' jkun malajr wara.

Ir-rivelazzjoni ma għandha tippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista' tittieħed mill-Kummissjoni, iżda fejn tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatt u kunsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu rivelati kemm jista' jkun malajr.

5.   Ir-rappreżentazzjonijiet li jsiru wara li tingħata r-rivelazzjoni finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk jiġu riċevuti fi żmien perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun mill-inqas għaxart ijiem, b'kont debitament meħud tal-urġenza tal-kwistjoni. Jista' jiġi stabbilit perjodu iqsar kull meta jkollha ssir rivelazzjoni finali addizzjonali.

Artikolu 21

Interess tal-Unjoni

1.   Determinazzjoni jekk l-interess tal-Unjoni jitlobx intervent għandha ssir fuq il-bażi ta' apprezzament tal-interessi varji kollha meħuda globalment, inklużi l-interessi tal-industrija domestika u tal-utenti u konsumaturi. Determinazzjoni li ssir skont dan l-Artikolu għandha biss issir fejn il-partijiet kollha ġew mogħtija l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa skont il-paragrafu 2. F'tali eżami, il-bżonn li jiġu eliminati l-effetti ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni minn dumping dannuż u li tiġi ristabbilita kompetizzjoni effettiva għandu jingħata kunsiderazzjoni speċjali. Ma jistgħux jiġu applikati miżuri, kif stabbiliti fuq il-bażi tad-dumping u d-dannu misjub, fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata, jistgħu jikkonkludu b'mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu applikati tali miżuri.

2.   Sabiex tkun provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jieħdu kont tal-veduti u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni jekk l-impożizzjoni tal-miżuri hijiex fl-interess tal- Unjoni jew le, min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti rappreżentattivi u l-organizzazzjonijiet konsumeristiċi rappreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta' żmien speċifikati fin-notifika tal-bidu tal-investigazzjoni kontra dumping, jagħmlu lilhom infushom magħrufa u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew taqsiriet adegwati tagħha, għandhom isiru disponibbli lill-partijiet l-oħra speċifikati f'dan l-Artikolu, u dawn għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali informazzjoni.

3.   Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu smigħ. Tali talbiet għandhom jiġu aċċettati meta jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien previsti fil-paragrafu 2, u meta jistabbilixxu r-raġunijiet, f'termini tal-interess tal-Unjoni, għaliex il-partijiet għandhom jinstemgħu.

4.   Il-partijiet li jkunu aġġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe dazju provviżorju. Tali kummenti għandhom ikunu riċevuti fi żmien 25 jum mid-data tal-applikazzjoni ta' tali miżuri jekk għandu jittieħed kont tagħhom u dawn, jew taqsiriet adegwati tagħhom, għandhom kisiru disponibbli lill-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jirrispondu għal tali kummenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni li tkun korrettement ppreżentata u sa fejn din tkun rappreżentattiva, u r-riżultati ta' tali analiżi, flimkien ma' opinjoni fuq il-merti tagħha, għandhom jintbagħtu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 15 bħala parti mill-abbozz ta' miżura ppreżentat skont l-Artikolu 9. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-fehmiet espressi fil-kumitat taħt il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

6.   Il-partijiet li jkunu aġixxew f'konformità mal-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li jsiru disponibbli lilhom il-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom ikunu probabbilment se jittieħdu d-deċiżjonijiet finali. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli sa fejn ikun possibbli u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni.

7.   Informazzjoni għandha tiġi meqjusa biss fejn tkun sostnuta minn evidenza fattwali li tissostanzja l-validità tagħha.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta':

(a)

kwalunkwe regola speċjali stabbilita fi ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(b)

ir-Regolamenti tal-Unjoni fis-settur agrikolu u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 (8), (KE) Nru 614/2009 (9) u (KE) Nru 1216/2009 (10). Dan ir-Regolament għandu jopera bħala kumplimentari għal dawk ir-Regolamenti u b'deroga minn kwalunkwe dispożizzjoni tagħhom li tipprekludi l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping;

(c)

miżuri speċjali, sakemm tali azzjoni ma tmurx kontra obbligi taħt skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994.

Artikolu 23

Rapport

1.   Il-Kummissjoni, b'rispett dovut għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 19, għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta' miżuri provviżorji u definittivi, it-terminazzjoni ta' investigazzjonijiet mingħajr miżuri, investigazzjonijiet mill-ġdid, reviżjonijiet u żjarat ta' verifika, u l-attivitajiet tad-diversi korpi responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-adempiment tal-obbligi derivati minnu.

2.   Il-Parlament Ewropew jista', fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu biex jippreżenta u jispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   Mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport pubbliku.

Artikolu 24

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan id-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2016 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).

(6)  Li jinkludu l-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorgia, il-Kirgistan, il-Korea ta' Fuq, il-Moldova, il-Mongolja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Użbekistan.

(7)  Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.(ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 tas-7 ta' Novembru 2006 dwar il-glukosju u l-lattosju (ĠU L 312, 11.11.2006, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 614/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar is-sistema komuni ta' kummerċ għall-ovalbumina u laktalbumina (ĠU L 181, 14.7.2009, p. 8).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 10).


ANNESS I

IR-REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' LISTA TAL-EMENDI SUĊĊESSIVI TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

(ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51)

 

Regolament (UE) Nru 765/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 237, 3.9.2012, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 344, 14.12.2012, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Biss il-punt 22 tal-Anness


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 5(1) sa (9)

Artikolu 5(1) sa (9)

Artikolu 5(10), l-ewwel sentenza

Artikolu 5(10), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 5(10), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 5(10), it-tieni subparagrafu

Artikolu 5(11) u (12)

Artikolu 5(11) u (12)

Artikolu 6(1), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 6(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(1), it-tielet sentenza

Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(1), ir-raba' sentenza

Artikolu 6(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(3), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tieni sentenza

Artikolu 6(3), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(3), it-tielet sentenza

Artikolu 6(3), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tieni sentenza

Artikolu 6(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(4), it-tielet sentenza

Artikolu 6(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tieni sentenza

Artikolu 6(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(6), it-tielet sentenza

Artikolu 6(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 6(6), ir-raba' sentenza

Artikolu 6(6), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 6(7), l-ewwel sentenza

Artikolu 6(7), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 6(7), it-tieni sentenza

Artikolu 6(7), it-tieni subparagrafu

Artikolu 6(8) u (9)

Artikolu 6(8) u (9)

Artikolu 7(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 7(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 7(1), it-tieni sentenza

Artikolu 7(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 7(2) sa (5)

Artikolu 7(2) sa (5)

Artikolu 7(7)

Artikolu 7(6)

Artikolu 8(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(1), it-tieni sentenza

Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(1), it-tielet sentenza

Artikolu 8(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(2), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(2), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(2), il-ħames sentenza

Artikolu 8(2), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikolu 8(3), (4) u (5)

Artikolu 8(6), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(6), it-tielet sentenza

Artikolu 8(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(7) u (8)

Artikolu 8(7) u (8)

Artikolu 8(9), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(9), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu

Artikolu 8(9), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 8(9), it-tielet subparagrafu

Artikolu 8(10)

Artikolu 8(10)

Artikolu 9(1), (2) u (3)

Artikolu 9(1), (2) u (3)

Artikolu 9(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 9(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(4), it-tieni sentenza

Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(5)

Artikolu 9(5)

Artikolu 9(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 9(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 9(6), it-tieni sentenza

Artikolu 9(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 9(6), it-tielet sentenza

Artikolu 9(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 10(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 10(2), it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 10(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(3)

Artikolu 10(4), kliem introduttorju

Artikolu 10(4), kliem introduttorju u l-punti (a) u (b)

Artikolu 10(4)(a)

Artikolu 10(4)(c)

Artikolu 10(4)(b)

Artikolu 10(4)(d)

Artikolu 10(5)

Artikolu 10(5)

Artikolu 11(1) sa (4)

Artikolu 11(1) sa (4)

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 11(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 11(5), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(5), l-ewwel subparagrafu, il-ħames sentenza

Artikolu 11(5), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 11(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(5), il-ħames subparagrafu

Artikolu 11(5), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(5), sitt subparagrafu

Artikolu 11(6), l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 11(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 11(6), ir-raba' sentenza

Artikolu 11(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 11(6), ħames sentenza

Artikolu 11(6), it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(7)

Artikolu 11(7)

Artikolu 11(8), l-ewwel, it-tieni u t-tielet subparagrafu

Artikolu 11(8), l-ewwel, it-tieni u it-tielet subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 11(8), il-ħames subparagrafu

Artikolu 11(8), ir-raba' subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 11(8), is-sitt subparagrafu

Artikolu 11(9) u (10)

Artikolu 11(9) u (10)

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, it tieni sentenza

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), l-ewwel subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 13(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(1), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(2) u (3)

Artikolu 13(2) u (3)

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, it-tielet sentenza

Artikolu 13(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(4), l-ewwel subparagrafu, ir-raba' sentenza

Artikolu 13(4), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 13(4), il-ħames subparagrafu

Artikolu 13(4), it-tielet subparagrafu

Artikolu 13(4), sitt subparagrafu

Artikolu 13(4), ir-raba' subparagrafu

Artikolu 13(4), seba 'subparagrafu

Artikolu 13(5)

Artikolu 13(5)

Artikolu 14(1), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 14(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(1), it-tielet sentenza

Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(2), it-tieni, it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(3)

Artikolu 14(4), l-ewwel u t-tieni sentenza

Artikolu 14(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 14(4), it-tielet u r-raba' sentenza

Artikolu 14(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 14(5), (6) u (7)

Artikolu 14(5), (6) u (7)

Artikoli 15 u 16

Artikoli 15 u 16

Artikolu 17(1), (2) u (3)

Artikolu 17(1), (2) u (3)

Artikolu 17(4), l-ewwel sentenza

Artikolu 17(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 17(4), it-tieni sentenza

Artikolu 17(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1), l-ewwel sentenza

Artikolu 18(1), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 18(1), it-tieni sentenza

Artikolu 18(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 18(1), it-tielet sentenza

Artikolu 18(1), it-tielet subparagrafu

Artikolu 18(2) sa (6)

Artikolu 18(2) sa (6)

Artikolu 19(1) sa (5)

Artikolu 19(1) sa (5)

Artikolu 19(6), l-ewwel sentenza

Artikolu 19(6), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 19(6), it-tieni sentenza

Artikolu 19(6), it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(1), (2) u (3)

Artikolu 20(1), (2) u (3)

Artikolu 20(4), l-ewwel, it-tieni u t-tielet sentenza

Artikolu 20(4), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 20(4), ir-raba' sentenza

Artikolu 20(4), it-tieni subparagrafu

Artikolu 20(5)

Artikolu 20(5)

Artikoli 21 u 22

Artikoli 21 u 22

Artikolu 22a

Artikolu 23

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 24

Artikolu 25

Anness I

Anness II

Anness I

Anness II


30.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 176/55


REGOLAMENT (UE) 2016/1037 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (3) ġie emendat (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

L-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tal-WTO”) jinkludi, fost l-oħrajn, il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“il-GATT 1994”), Ftehim dwar l-Agrikoltura (“il-Ftehim dwar l-Agrikoltura”), Ftehim dwar l-Implimentazjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ1994 u Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Kumpensatorji (“il-Ftehim dwar is-Sussidji”).

(3)

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli stabbiliti fil-Ftehim dwar is-Sussidji, il-lingwaġġ ta' dak il-Ftehim għandu kemm jistà jkun jiġi rifless fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(4)

Barra minn hekk, jidher xieraq li tingħata spjegazzjoni, b'dettalji adegwati, meta sussidju għandu jkun meqjus li jeżisti, skont liema prinċipji għandu jkun kumpensabbli (partikolarment jekk is-sussidju kienx mogħti speċifikament), u skont liema kriterji għandu jiġi kkalkulat l-ammont tas-sussidju kumpensabbli.

(5)

Biex tiġi determinata l-eżistenza ta' sussidju, huwa meħtieġ li jintwera li kien hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern jew korp pubbliku fit-territorju ta' pajjiż, jew li kien hemm xi forma ta' appoġġ fir-rigward ta' dħul jew prezzijiet fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994, u li b'hekk ingħata benefiċċju lill-intrapriża li tkun irċevietu.

(6)

Għall-kalkolu tal-benefiċċju lir-reċipjent, fil-każijiet fejn ma jeżistix valur indikattiv tas-suq fil-pajjiż interessat il-valur indikattiv għandu jiġi determinat permezz tal-aġġustament ta' termini u kondizzjonijiet prevalenti fil-pajjiż interessat abbażi ta' fatturi effettivi disponibbli f'dak il-pajjiż. Jekk dan mhuwiex possibbli fil-prattika għaliex, fost raġunijiet oħrajn, tali prezzijiet jew spejjeż ma jeżistux jew mhumiex ta' min jorbot fuqhom, il-valur indikattiv adatt għandu jkun determinat billi wieħed jagħmel referenza għat-termini u l-kondizzjonijiet ta' swieq oħra.

(7)

Huwa meħtieġ li tiġi stipulatagwida ċara u dettaljata dwar il-fatturi li jistgħu jkunu relevanti sabiex jiġi determinat jekk l-importazzjonijiet sussidjati jkunux ikkaġunaw dannu materjali jew ikunux qed jheddu li jagħmlu dannu. Biex jintwera li l-volum u l-livelli tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet in kwestjoni huma responsabbli għad-dannu mġarrab minn industrija tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni għall-effett ta' fatturi oħra u partikolarment il-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti fl-Unjoni.

(8)

Huwa kunsiljabbli li jiġi definit it-terminu “industrija tal-Unjoni” u li jiġi stabbilit li l-partijiet relatati ma' esportaturi jistgħu jkunu esklużi minn tali industrija, u li jiġi definit it-terminu “relatati”. Huwa wkoll meħtieġ li tiġi jsir provvediment sabiex tittieħed azzjoni ta' dazju kumpensatorju għan-nom ta' produtturi f'reġjun tal-Unjoni u li jiġu stipulati linji gwida dwar id-definizzjoni ta' tali reġjun.

(9)

Huwa meħtieġ li jiġi speċifikat min jista' jippreżenta lment li jitlob dazju kumpensatorju, inkluż sa fejn għandu jkun appoġġat mill-industrija tal-Unjoni, u l-informazzjoni dwar sussidji kumpensabbli, id-dannu u l-kawżalità li tali lment għandu jinkludi. Huwa wkoll utli li jiġu speċifikati l-proċeduri għaċ-ċaħda ta' lmenti jew għall-bidu ta' proċeduri.

(10)

Huwa meħtieġ li tkun speċifikatal-manjiera li biha l-partijiet interessati għandhom jingħataw avviż tal-informazzjoni li l-awtoritajiet jeħtieġu. Il-partijiet interessati għandu jkollhom żmien biżżejjed sabiex jippreżentaw l-evidenza kollha relevanti u biex jiddifendu l-interessi tagħhom. Huwa wkoll meħtieġ li jkunu stabbiliti b'mod ċar ir-regoli u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti matul l-investigazzjoni, partikolarment ir-regoli li permezz tagħhom il-partijiet interessati għandhom jagħmlu lilhom infushom magħrufa, jippreżentaw il-veduti tagħhom u jippreżentaw informazzjoni fil-limiti ta' żmien speċifikati, jekk għandu jittieħed konta ta' tali veduti u informazzjoni. Huwa wkoll xieraq ili jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom parti interessata tkun tista' jkollha aċċess għal, u tikkummenta dwar, informazzjoni preżentata minn partijiet interessati oħra. Għandu jkun hemm ukoll koperazjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-ġbir tal-informazzjoni.

(11)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jkunu imposti dazji provviżorji, inklużi kondizzjonijiet li bihom jistgħu jkunu imposti dazji provviżorji mhux qabel 60 jum mill-bidu u mhux aktar tard minn disa' xhur wara. Dawn id-dazji jistgħu fil-każijiet kollha jkunu imposti mill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' xhur biss.

(12)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-aċċettazzjoni ta' impenji li jeliminaw jew ipaċu s-sussidji kumpensabbli u d-dannu minflok l-impożizzjoni ta' dazji provviżorji jew definittivi. Huwa wkoll kunsiljabbli li jkunu speċifikati l-konsegwenzi ta' ksur jew irtirar ta' impenji u jkun speċifikat li jistgħu jkunu imposti dazji provviżorji f'każijiet ta' suspett ta' ksur jew fejn ikun hemm bżonn ta' aktar investigazjoni biex ikunu supplimentati l-konklużjonijiet. Bl-aċċettazzjoni tal-impenji, għandha tingħata attenzjoni sabiex l-impenji proposti, u l-infurzar tagħhom, ma jwasslux għal imġiba anti-kompetittiva.

(13)

Hu kkunsidrat xieraq li jiġi permess l-irtirar ta' impenn u tkun permessa l-applikazzjoni tad-dazju permezz ta' att legali wieħed. Hu neċessarju wkoll li jiġi żgurat li l-proċedura tal-irtirar tintemm f'limitu ta' żmien ta' sitt xhur normalment u fl-ebda każ ta' iktar minn disa' xhur sabiex jiġi żgurat l-infurzar korrett tal-miżura fis-seħħ.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li t-terminazzjoni ta' każijiet għandha, irrispettivament minn jekk jiġux adottati jew le miżuri definittivi, normalment isseħħ fi żmien 12-il xahar, u f'kull każ mhux aktar minn 13-il xahar, mill-bidu tal-investigazzjoni.

(15)

L-investigazzjonijiet jew il-proċeduri għandhom jiġu terminati fejn l-ammont tas-sussidju jkun de minimis jew jekk, partikolarment fil-każ ta' importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li għadhom jiżviluppaw, il-volum tal-importazzjonijiet sussidjati jew id-dannu jkun negliġibbli, u jkun xieraq li jkunu definiti dawk is-sitwazzjonijiet. Fejn ikollhom jiġu imposti xi miżuri, huwa meħtieġ li tkun prevista t-terminazzjoni tal-investigazzjonijiet u li jkun stabbilit li l-miżuri jkunu inqas mill-ammont tas-sussidji kumpensabbli jekk tali ammont inqas ikun suffiċjenti biex jelimina d-dannu, u wkoll li jkun speċifikat il-metodu tal-kalkolu tal-livell tal-miżuri fil-każijiet ta' teħid ta' kampjuni.

(16)

Jinħtieġ li jsir provvediment għall-ġbir retroattiv ta' dazji provviżorji jekk dan ikun meqjus xieraq u li jkunu definiti ċ-ċirkostanzi li jistgħu jikkaġunaw l-applikazzjoni retroattiva ta' dazji sabiex jiġi evitat l-imminar tal-miżuri definittivi li jeħtieġu jkunu applikati. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment biex id-dazji jistgħu jkunu applikati retroattivament f'każijiet ta' ksur jew irtirar ta' impenji.

(17)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex il-miżuri jkollhom jiskadu wara ħames snin sakemm xi reviżjoni ma tindikax li għandhom jinżammu fis-seħħ. Huwa wkoll meħtieġ li jsir provvediment, f'każijiet fejn tkun preżentata evidenza suffiċjenti ta' bidla fiċ-ċirkostanzi, għal reviżjonijiet interim jew għal investigazzjonijiet biex jiġi determinat jekk ikunux ġustifikati rifużjonijiet ta' dazji kumpensatorji.

(18)

Minkejja li l-Ftehim dwar is-Sussidji ma fihx dispożizzjonijiet dwar l-evażjoni minn miżuri kumpensatorji, il-possibbiltà ta' tali evażjoni teżisti, f'termini simili, għalkemm mhux identiċi, għall-evażjoni minn miżuri anti-dumping. Għalhekk ikun xieraq li jsir provvediment kontra l-evażjoni f'dan ir-Regolament.

(19)

Hu xieraq li jiġi ċċarat liema huma l-partijiet li għandhom id-dritt li jitolbu li jinbdew investigazzjonijiet kontra l-evażjoni.

(20)

Hu xieraq ukoll li jiġi ċċarat liema huma l-prattiċi li jikkostitwixxu evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Il-prattiċi ta' evażjoni jistgħu jsiru kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Unjoni. Konsegwentement, huwa neċessarju li jsir provvediment sabiex l-eżenzjonijiet mid-dazji estiżi li jistgħu jingħataw lill-importaturi jistgħu wkoll jingħataw lil esportaturi meta jkunu qed jiġu applikati dazji biex jindirizzaw evażjoni li ssir barra mill-Unjoni.

(21)

Huwa utli li tkun permessa s-sospensjoni ta' miżuri kumpensatorji fejn ikun hemm xi bidla temporanja fil-kondizzjonijiet tas-suq li minħabba fiha l-impożizzjoni kontinwata ta' tali miżuri temporanjament mhux kunsiljabbli.

(22)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex importazzjonijiet taħt investigazzjoni jkunu jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni malli jiġu importati sabiex ikun possibbli li sussegwentement jiġu applikati miżuri kontra tali importazzjonijiet.

(23)

Sabiex ikun assigurat l-infurzar korrett ta' miżuri, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw, u jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar, il-kummerċ tal-importazzjoni ta' prodotti li jkunu soġġetti għal investigazzjoni jew soġġetti għal miżuri, kif ukoll l-ammont ta' dazji miġbura taħt dan ir-Regolament. Hu wkoll neċessarju li jsir provvediment biex ikun possibbli għall-Kummissjoni biex titlob l-Istati Membri biex jagħtu, soġġett għar-regoli dwar il-kunfidenzjalità, informazzjoni biex tintuża għall-monitoraġġ tal-impenji fir-rigward ta' prezzijiet u għall-verifika tal-livell ta' effikaċja tal-miżuri fis-seħħ.

(24)

Huwa utli li jsir provvediment għal żjarat ta' verifika sabiex tiġi kkontrollata informazzjoni ppreżentata dwar sussidji kumpensabbli u dannu, dment li dawn iż-żjarat ikunu, madanakollu, kondizzjonati mir-riċezzjoni ta' tweġibiet korretti għall-kwestjonarji.

(25)

Huwa essenzjali li jsir provvediment għat-teħid ta' kampjuni f'każijiet fejn in-numru ta' partijiet jew transazzjonijiet ikun kbir sabiex jippermetti li l-investigazzjonijiet jitlestew fil-limiti ta' żmien stabbiliti.

(26)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment biex, fejn il-partijiet ma jikkoperawx kif mixtieq, tkun tista' tintuża informazzjoni oħra sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet u biex tali informazzjoni tista' tkun inqas favorevoli għall-partijiet milli kieku huma kkoperaw.

(27)

Għandu jsir provvediment għat-trattament ta' informazzjoni kunfidenzjali sabiex ma jiġux żvelati sigrieti kummerċjali jew governattivi.

(28)

Huwa essenzjali li jsir provvediment għal żvelar korrett tal-fatti essenzjali u konsiderazzjonijiet lil partijiet li jikkwalifikaw għal tali trattament u li dan tali żvelar isir, b'kont debitament meħud tal-proċess deċiżjonali fl-Unjoni, f'limitu ta' żmien li jippermetti lill-partijiet li jiddifendu l-interessi tagħhom.

(29)

Ikun prudenti li jsir provvediment għal sistema ta' amministrazzjoni li taħtha jistgħu jiġu preżentati argumenti dwar jekk miżuri jkunux fl-interess tal-Unjoni, inklużi l-interessi tal-konsumaturi, u li jkunu speċifikati l-limiti ta' żmien li fihom tali informazzjoni trid tiġi ppreżentata, flimkien mad-drittijiet tal-partijiet konċernati fir-rigward tal-iżvelar.

(30)

Fl-applikazzjoni tar-regoli tal-Ftehim dwar is-Sussidji huwa essenzjali, sabiex jinżamm il-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi li dak il-Ftehim irid jistabbilixxi, li l-Unjonitieħu kont tal-interpretazzjoni ta' dawk id-drittijiet u l-obbligi mis-sħab kummerċjali prinċipali tal-Unjoni, kif riflessa fil-leġiżlazzjoni jew fil-prattika stabbilita.

(31)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament teħtieġ kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' dazji provviżorji u definittivi, u għat-terminazzjoni ta' investigazzjoni mingħajr miżuri. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(32)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji minħabba l-effetti ta' tali miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri definittivi. Hija għandha tintuża wkoll għall-aaċċettazzjoni ta' impenji, għal meta jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' iskadenzi, għas-sospensjoni ta' miżuri, għall-estensjoni tas-sospensjoni ta' miżuri u għar-ristabbiliment ta' miżuri minħabba l-effett ta' tali miżuri meta mqabbla ma' miżuri definittivi. Fejn dewmien fl-impożizzjoni ta' miżuri jikkawża dannu li jkun diffiċilment rimedjabbli, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni tkun permessa tadotta miżuri provviżorji applikabbli immedjatament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Prinċipji

1.   Jista' jkun impost dazju kumpensatorju għat-tpaċija ta' kwalunkwe sussidju mogħti, direttament jew indirettament, għall-manifattura, il-produzzjoni, l-esportazzjoni jew it-trasport ta' kwalunkwe prodott li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tikkawża dannu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn il-prodotti ma jkunux importati direttament mill-pajjiż tal-oriġini iżda jkunu esportati lejn l-Unjoni minn xi pajjiż intermedju, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu applikabbli bis-sħiħ u t-transazzjoni jew transazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu meqjusa bħala li seħħew bejn il-pajjiż tal-oriġini u l-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

prodott huwa meqjus li jkun sussidjat jekk jibbenefika minn sussidju kumpensabbli kif definit fl-Artikoli 3 u 4. Tali sussidju jista' jingħata mill-gvern tal-pajjiż tal-oriġini tal-prodott importat, jew mill-gvern ta' pajjiż intermedju li minnu tkun saret l-esportazzjoni lejn l-Unjoni, magħruf għall-finijiet ta' dan ir-Regolament bħala “l-pajjiż tal-esportazzjoni”;

(b)

“gvern” tfisser gvern jew kull korp pubbliku fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni;

(c)

“prodott simili” tfisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, li jixbah f'kull aspett, lill-prodott ikkunsidrat, jew fin-nuqqas ta' tali prodott, prodott ieħor li għalkemm m'huwiex l-istess fl-aspetti kollha, għandu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib lil dawk tal-prodott ikkunsidrat;

(d)

“dannu”, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, tfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, it-theddida ta' dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fit-twaqqif ta' tali industrija u għandha tkun interpretata skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8.

Artikolu 3

Definizzjoni ta' sussidju

Sussidju għandu jkun meqjus li jeżisti jekk:

1.

(a)

ikun hemm kontribuzzjoni finanzjarja minn gvern fil-pajjiż tal-oriġini jew tal-esportazzjoni, jiġifieri, fejn:

(i)

teżisti prattika tal-gvern li tinvolvi trasferiment dirett ta' fondi (per eżempju, għoti, self, equity infusion), trasferimenti diretti potenzjali ta' fondi jew ta' passiv (per eżempju, garanziji għal xi self);

(ii)

introjtu tal-gvern, li b'xi mod ieħor ikun dovut, ikun ġie stabbilit bħala mhux eżiġibbli jew ma jinġabarx (per eżempju, inċentivi fiskali bħal krediti ta' taxxa). F'dan ir-rigward, l-eżenzjoni ta' prodott esportat minn dazji jew taxxi imposti fuq prodotti simili meta jkunu maħsuba għall-konsum domestiku, jew ir-rifużjoni ta' tali dazji jew taxxi f'ammonti li ma jeċċedux dawk li jkunu rriżultaw, m'għandhomx ikunu meqjusa bħala sussidju, sakemm din l-eżenzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III;

(iii)

il-gvern jipprovdi oġġetti jew servizzi apparti mill-infrastruttura ġenerali, jew jixtri oġġetti;

(iv)

il-gvern:

jagħmel ħlasijiet lil mekkaniżmu ta' fondi, jew

jinkariga jew jidderieġi korp privat biex iwettaq waħda jew iktar mit-tip ta' funzjonijiet deskritti fil-punti (i), (ii) u (iii) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern, u l-prattika, fl-ebda sens, ma tkun differenti mill-prattiċi normali segwiti minn gvernijiet;

jew

(b)

ikun hemm xi tip ta' appoġġ fir-rigward ta' dħul jew prezzijiet fis-sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994; u

2.

b'hekk jingħata benefiċċju.

Artikolu 4

Sussidji kumpensabbli

1.   Is-sussidji għandhom ikunu soġġetti għal miżuri kumpensatorji biss jekk ikunu speċifiċi, kif definiti fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2.   Sabiex jiġi determinat jekk xi sussidju jkunx speċifiku għal xi intrapriża jew industrija jew grupp ta' intrapriżi jew industriji ('ċerti intrapriżi') fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandhom ikunu applikabbli l-prinċipji li ġejjin:

(a)

fejn l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġiżlazzjoni li taħtha topera l-awtorità li tagħtihom, tillimita espliċitament l-aċċess għal sussidju lil ċerti intrapriżi, tali sussidju għandu jkun speċifiku;

(b)

fejn l-awtorità li tagħtihom, jew il-leġiżlazzjoni li taħtha topera l-awtorità li tagħtihom, tistabbilixxi kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi li jirregolaw l-eliġibbiltà għal, u l-ammont ta', sussidju, l-ispeċifiċità m'għandiex teżisti, sakemm tali eliġibbiltà tkun awtomatika u li tali kriterji u kondizzjonijiet ikunu strettament osservati;

(c)

jekk, minkejja kwalunkwe dehra ta' non-speċifiċità li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fil-punti (a) u (b), ikun hemm raġunijiet li wieħed jemmen li s-sussidju jista' fil-fatt ikun speċifiku, jistgħu jiġu kkunsidrati fatturi oħra. Tali fatturi huma: l-użu ta' programm ta' sussidju minn numru limitat ta' ċerti intrapriżi; l-użu predominanti minn ċerti intrapriżi; l-għoti ta' ammonti kbar b'mod sproporzjonat ta' sussidju lil ċerti intrapriżi; il-mod li bih id-diskrezzjoni ġiet eżerċitata mill-awtorità li tagħtihom fid-deċiżjoni tal-għoti ta' sussidju. F'dan ir-rigward, l-informazzjoni dwar il-frekwenza li biha l-applikazzjonijiet għal sussidju jkunu miċħuda jew approvati u r-raġunijiet għal tali deċiżjonijiet għandhom, partikolarment, ikunu kkunsidrati.

Għall-finijiet tal-punt (b), “kriterji jew kondizzjonijiet oġġettivi” tfisser kriterji jew kondizzjonijiet li jkunu newtrali, li ma jiffavorixxux lil ċerti intrapriżi fuq oħrajn, u li jkunu ekonomiċi fin-natura tagħhom u orizzontali fl-applikazzjoni tagħhom, bħan-numru ta' impjegati jew id-daqs tal-intrapriża.

Il-kriterji jew kondizzjonjiet għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar minn liġi, regolament, jew xi dokument uffiċjali ieħor, biex b'hekk ikunu jistgħu jiġu vverifikati.

Fl-applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, għandu jitqies kemm ikunu diversifikati l-attivitajiet ekonomiċi fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, kif ukoll it-tul ta' żmien li matulu l-programm ta' sussidju kien fis-seħħ.

3.   Sussidju li jkun limitat għal ċerti intrapriżi li jinsabu f'reġjun ġeografiku magħżul, fil-ġurisdizzjoni tal-awtorità li tagħtihom, għandu jkun speċifiku. L-iffissar jew it-tibdil fir-rati ta' taxxa ġeneralment applikabbli mil-livelli kollha tal-gvern li jkunu intitolati li jagħmlu dan m'għandux jitqies bħala sussidju speċifiku għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   Minkejja l-paragrafi 2 u 3, is-sussidji li ġejjin għandhom jitqiesu bħala speċifiċi:

(a)

sussidji dipendenti, fil-liġi jew fil-fatt, kemm jekk waħedhom jew bħala wieħed minn diversi kondizzjonijiet oħrajn, fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, inklużi dawk murija fl-Anness I;

(b)

sussidji dipendenti, kemm waħedhom jew bħala wieħed minn diversi kondizzjonijiet oħrajn, fuq l-użu ta' oġġetti domestiċi flok importati.

Għall-finijiet tal-punt (a), is-sussidji għandhom jitqiesu bħala dipendenti fil-fatt fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni meta l-fatti juru li l-għoti ta' sussidju, mingħajr ma jkun sar legalment dipendenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, jkun tassew marbut mal-esportazzjoni attwali jew antiċipata jew ma' dħul mill-esportazzjoni. Il-fatt biss li sussidju jingħata lil intrapriżi li jesportaw m'għandux, għal dik ir-raġuni biss, jitqies illi huwa sussidju tal-esportazzjoni fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.

5.   Kwalunkwe determinazzjoni ta' speċifiċità taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu għandha tiġi sostanzjata b'mod ċar fuq il-bażi ta' evidenza pożittiva.

Artikolu 5

Kalkolu tal-ammont ta' sussidju kumpensabbli

L-ammont ta' sussidji kumpensabbli għandu jiġi kalkulat fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta' investigazzjoni dwar is-sussidjar. Normalment dan il-perjodu għandu jkun l-aktar sena fiskali riċenti għar-reċipjent, iżda jista' jkun kwalunkwe perjodu ieħor ta' mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-investigazzjoni li għalih ikun hemm disponibbli data finanzjarja affidabbli u data oħra relevanti.

Artikolu 6

Kalkolu tal-benefiċċju lir-reċipjent

Fir-rigward tal-kalkolu ta' benefiċċju lir-reċipjent, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

għotja minn gvern ta' equity capital m'għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm l-investiment jista' jkun meqjus bħala inkonsistenti mal-prattika ta' investiment tas-soltu, inkluż għall-għotja ta' kapital ta' riskju, ta' investituri privati fit-territorju tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni;

(b)

self minn gvern m'għandux jitqies li jagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tkun tirċievi s-self tħallas fuq is-self tal-gvern u l-ammont li d-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli li d-ditta setgħet effettivament tikseb fis-suq. F'dak il-każ, il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewg ammonti;

(c)

garanzija ta' self minn gvern m'għandhiex titqies li tagħti xi benefiċċju, sakemm ma jkunx hemm differenza bejn l-ammont li d-ditta li tirċievi l-garanzija tħallas fuq self garantit mill-gvern u l-ammont li d-ditta jkollha tħallas għal self kummerċjali komparabbli fin-nuqqas tal-garanzija governattiva. F'dak il-każ il-benefiċċju għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, b'aġġustament għal xi differenzi fil-miżati;

(d)

l-għoti ta' oġġetti jew servizzi jew xiri ta' oġġetti minn gvern m'għandux jitqies bħala għoti ta' xi benefiċċju, sakemm l-għoti jsir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata jew li x-xiri jsir għal remunerazzjoni li tkun aktar milli adegwata. L-adegwatezza ta' remunerazzjoni għandha tiġi determinata b'referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għoti jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibbiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kondizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ.

Jekk m'hemmx tali termini u kondizzjonijiet tas-suq li jipprevalixxu għall-prodott jew is-servizz in kwistjoni fil-pajjiż fejn tingħata l-provvista jew isir ix-xiri, li jistgħu jintużaw bħala valuri indikattivi xierqa, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(i)

it-termini u l-kondizzjonijiet li jipprevalixxu fil-pajjiż interessat għandhom jiġu aġġustati, fuq il-bażi ta' spejjeż attwali, prezzijiet u fatturi oħra disponibbli f'dak il-pajjiż, b'ammont xieraq li jirrifletti t-termini u l-kondizzjonijiet normali tas-suq; jew

(ii)

fejn ikunu adatti, għandhom jintużaw it-termini u l-kondizzjonijiet li jeżistu fis-suq ta' pajjiż ieħor jew fis-suq dinji li huma disponibbli għar-reċipjent.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kalkoli

1.   L-ammont ta' sussidji kumpensabbli għandu jiġi determinat għal kull unità tal-prodott sussidjat esportat lejn l-Unjoni.

Biex jiġi stabbilit dak l-ammont jistgħu jitnaqqsu l-elementi li ġejjin mit-total tas-sussidju:

(a)

kull miżata għall-applikazzjoni, jew spejjeż oħra magħmulin kif meħtieġ sabiex jikkwalifika għal, jew jingħata, is-sussidju;

(b)

taxxi tal-esportazzjoni, dazji jew tariffi oħra imposti fuq l-esportazzjoni tal-prodott lejn l-Unjoni speċifikament maħsuba biex ipaċu s-sussidju.

Fejn parti interessata tagħmel talba għal tnaqqis, hija għandha turi li t-talba tagħha hija ġustifikata.

2.   Fejn is-sussidju ma jingħatax b'referenza għall-kwantitajiet manufatturati, maħduma, esportati jew trasportati, l-ammont tas-sussidju kumpensabbli għandu jiġi determinat bl-allokazjoni tal-valur tas-sussidju totali, skont kif ikun il-każ, fuq il-livell ta' produzzjoni, bejgħ, jew esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati matul il-perjodu tal-investigazzjoni dwar is-sussidjar.

3.   Fejn is-sussidju jkun jista' jiġi marbut mal-akkwist jew l-akkwist futur ta' assi fissi, l-ammont ta' sussidju kumpensabbli għandu jkun kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-deprezzament normali ta' tali assi fl-industrija kkonċernata.

L-ammont hekk kalkulat li jkun attribwibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni, inkluż dak li jiġi mill-assi fissi akkwistati qabel dak il-perjodu, għandu jkun allokat kif deskritt fil-paragrafu 2.

Fejn l-assi ma jkollhomx deprezzament, is-sussidju għandu jkun valutat bħala self mingħajr imgħax, u jkun trattat skont l-Artikolu 6(b).

4.   Fejn is-sussidju ma jkunx jista' jiġi marbut mal-akkwist ta' assi fissi, l-ammont ta' benefiċċju riċevut matul il-perjodu tal-invetigazzjoni għandu, fil-prinċipju, jkun attribwit għal dak il-perjodu, u allokat kif deskritt fil-paragrafu 2, sakemm ma jirriżultawx ċirkostanzi speċjali li jiġġustifikaw l-attribuzzjoni fuq perjodu differenti.

Artikolu 8

Determinazzjoni tad-dannu

1.   Id-determinazzjoni tad-dannu għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv ta':

(a)

il-volum tal-importazzjonijiet sussidjati u l-effett tal-importazzjonijiet sussidjati fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

2.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, għandu jitqies jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet sussidjati, kemm jekk f'termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet sussidjati fuq il-prezzijiet, għandu jitqies jekk kienx hemm tnaqqis sinifikanti li jwaqqa' l-prezzijiet permezz tal-importazzjonijiet sussidjati kif imqabbla mal-prezz ta' prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta' tali importazzjonijiet ikunx li b'mod ieħor iwaqqa' l-prezzijiet b'mod sinifikanti jew jimpedixxi ż-żieda fil-prezzijiet, li kieku kienet isseħħ, sa livell sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawk il-fatturi ma jista' neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

3.   Fejn l-importazzjonijiet ta' prodott minn aktar minn pajjiż wieħed ikunu simultanjament soġġetti għal investigazzjonijiet konnessi ma' dazju kumpensatorju, l-effetti ta' tali importazzjonijiet għandhom jiġu kumulattivament stmati biss jekk jiġi determinat li:

(a)

l-ammont ta' sussidji kumpensabbli stabbiliti b'relazzjoni mal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ikun aktar milli de minimis fis-sens tal-Artikolu 14(5) u l-volum tal-importazzjonijiet minn kull pajjiż ma jkunx negliġibbli; u

(b)

stima kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet tkun xierqa fid-dawl tal-kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni bejn il-prodotti importati u l-kondizzjonijiet ta' kompetittività bejn il-prodotti importati u l-prodott simili tal-Unjoni.

4.   L-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati fuq l-industrija kkonċernata tal-Unjoni għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u l-indiċi li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija, inklużi l-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta' rkupru mill-effetti ta' sussidji jew dumping fil-passat; il-kobor tal-ammont ta' sussidji kumpensabbli; id-deklin attwali u potenzjali ta' bejgħ, qliegħ, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, rikavat minn investimenti u l-utilizzar tal-kapaċità; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet tal-Unjoni; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità ta' ġbir ta' kapital jew investimenti u, fil-każ tal-agrikoltura, jekk kienx hemm piż miżjud fuq programmi governattivi ta' appoġġ. Din il-lista m'hijiex eżawrjenti, u lanqas ma jista' xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta' gwida deċiżiva.

5.   Għandu jintwera, mill-evidenza relevanti kollha preżentata f'relazzjoni mal-paragrafu 1, li l-importazzjonijiet sussidjati qed jikkawżaw dannu. Speċifikament, dan għandu jeħtieġ dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati bis-saħħa tal-paragrafu 2 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 4, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jġiegħel li jkun klassifikat bħala materjali.

6.   Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjonijiet sussidjati, li jkunu qed jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi oħrajn ma jkunx attribwit għall-importazzjonijiet sussidjati skont il-paragrafu 5. Fatturi li jistgħu jkunu kkunsidrati f'dan ir-rigward jinkludu: il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet li ma jkunux sussidjati; deklin fit-talba jew tibdil fix-xejriet tal-konsum; prattiċi kummerċjali restrittivi ta', u kompetizzjoni bejn, produtturi ta' pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Unjoni; żviluppi fit-teknoloġija; u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni; u l-produttività tal-industrija tal-Unjoni.

7.   L-effett tal-importazzjonijiet sussidjati għandu jkun stmat b'relazzjoni mal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili meta data disponibbli tippermetti l-identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta' kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ u l-qliegħ tal-produtturi. Jekk tali identifikazzjoni separata ta' dik il-produzzjoni ma tkunx possibbli, l-effetti tal-importazzjonijiet sussidjati għandhom ikunu stmati billi jsir eżami tal-produzzjoni tal-inqas grupp jew firxa ta' prodotti inkluż il-prodott simili, li għalihom tista tingħata l-informazzjoni meħtieġa.

8.   Id-determinazzjoni ta' theddida ta' dannu materjali għandha tkun ibbażata fuq fatti u mhux biss fuq allegazzjonijiet, suppożizzjonijiet jew xi possibbiltà remota. Il-bidla fiċ-ċirkostanzi li toħloq xi sitwazzjoni fejn is-sussidju jikkawża dannu għandha tkun b'mod ċar prevedibbli u għandu jkun imminenti.

Biex jiġi determinat jekk teżistix xi theddida ta' dannu materjali, għandu jittieħed kont ta' fatturi bħal:

(a)

in-natura tas-sussidju jew sussidji in kwistjoni u l-effetti kummerċjali li aktarx jirriżultaw minnhom;

(b)

xi rata sinifikanti ta' żieda fl-importazzjonijiet sussidjati fis-suq tal-Unjoni li tindika l-possibbiltà ta' żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet;

(c)

jekk hekk kapaċità disponibbli b'mod liberu u suffiċjenti fuq il-parti tal-esportatur jew żieda imminenti u sostanzjali f'tali kapaċità li tindika l-probabbiltà ta' żieda sostanzjali ta' esportazzjonijiet sussidjati lejn l-Unjoni, waqt li jittieħed kont tad-disponibbiltà ta' swieq oħra tal-esportazzjoni biex jassorbu kwalunkwe esportazzjoni addizzjonali;

(d)

jekk l-importazzjonijiet humiex deħlin bi prezzijiet li jkunu, sa grad sinifikanti, iwaqqgħu l-prezzijiet jew jimpedixxu żieda fil-prezzijiet li kieku kienet isseħħ, u li aktarx iżidu t-talba għal aktar importazzjonijiet;

(e)

l-inventarji tal-prodott taħt investigazzjoni.

L-ebda wieħed mill-fatturi elenkati hawn fuq ma jista', waħdu, neċessarjament jagħti gwida deċiżiva iżda t-totalità tal-fatturi kkunsidrati għandhom iwasslu għall-konklużjoni li aktar esportazzjonijiet sussidjati huma imminenti u li, sakemm ma titteħidx azzjoni protettiva, se jseħħ dannu materjali.

Artikolu 9

Definizjoni ta' industrija tal-Unjoni

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “industrija tal-Unjoni” għandu jkun interpretat bħala li jirriferi għall-produtturi kollha kollettivament tal-Unjoni li jipproduċu prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tal-prodotti tikkostitwixxi proporzjon maġġuri, kif definit fl-Artikolu 10(6), tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawk il-prodotti, ħlief li:

(a)

meta l-produtturi jkunu relatati mal-esportaturi jew l-importaturi, jew ikunu huma stess importaturi tal-prodott allegatament sussidjat, it-terminu “industrija tal-Unjoni” jista' jkun interpretat bħala li jirriferi għall-kumplament tal-produtturi;

(b)

f'ċirkostanzi eċċezzjonali, t-territorju tal-Unjoni jista', għall-produzjoni in kwistjoni, jinqasam f'żewġt iswieq kompetittivi jew aktar u l-produtturi f'kull suq jistgħu jitqiesu bħala industrija separata jekk:

(i)

il-produtturi f'tali suq ibiegħu jew kważi jbiegħu il-produzzjoni kollha tal-prodott in kwistjoni f'dak is-suq, u

(ii)

id-domanda f'dak is-suq ma tkunx b'xi mod sostanzjali milħuqa mill-produtturi tal-prodott in kwistjoni li jinsabu x'imkien ieħor fl-Unjoni.

F'tali ċirkostanzi, id-dannu jista' jinstab li jeżisti anki fejn porzjoni maġġuri tal-industrija totali tal-Unjoni ma tkunx sofriet dannu, sakemm ikun hemm konċentrazzjoni ta' importazzjonijiet sussidjati f'tali suq iżolat u sakemm ukoll l-importazzjonijiet sussidjati jkunu qed jikkawżaw dannu lill-produtturi tal-produzzjoni kollha jew kważi kollha fi ħdan tali suq.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-produtturi għandhom jitqiesu bħala relatati mal-esportaturi jew l-importaturi biss jekk:

(a)

wieħed minnhom direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor;

(b)

it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament kontrollati minn terza persuna; jew

(c)

flimkien direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna, sakemm ikun hemm raġuni biex jitwemmen jew ikun suspettat li l-effett tar-relazzjoni hija tali li ġġiegħel lill-produttur ikkonċernat li jġib ruħu differenti minn produtturi li mhumiex relatati.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, wieħed għandu jitqies bħala li jikkontrolla lill-ieħor meta tal-ewwel ikun legalment jew operattivament f'qagħda li jeżerċita kontroll jew direzzjoni fuq it-tieni.

3.   Fejn l-industrija tal-Unjoni tkun ġiet interpretata bħala li tirriferi għall-produtturi f'reġjun partikolari, l-esportaturi jew il-gvern li jkun ikkonċeda s-sussidji kumpensabbli għandhom jingħataw l-opportunità li joffru impenji skont l-Artikolu 13 fir-rigward tar-reġjun ikkonċernat. F'tali każijiet, meta jkunu qed jiġi evalwat l-interess tal- Unjoni tal-miżuri, għandu jittieħed kont speċjali tal-interess tar-reġjun. Jekk ma jingħatax minnufih impenn adegwat jew jekk is-sitwazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(9) u (10) japplikaw, jista' jkun impost dazju kumpensatorju provviżorju jew definittiv fir-rigward tal-Unjoni kollha. F'tali każijiet id-dazji jistgħu, jekk prattikabbli, ikunu limitati għal produtturi jew esportaturi speċifiċi.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(7) għandhom ikunu applikabbli għal dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Il-bidu tal-proċedimenti

1.   Ħlief kif previst fil-paragrafu 8, investigazzjoni biex jiġu determinati l-eżistenza, il-grad u l-effett ta' kwalunkwe allegat sussidju għandha tinbeda permezz ta' ilment bil-miktub minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li tkun taġixxi f'isem l-industrija tal-Unjoni.

L-ilment jista' jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni jew lil Stat Membru, li għandu jgħaddih lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja ta' kull ilment li tkun irċeviet lill-Istati Membri. L-ilment għandu jitqies bħala li ġie ppreżentat fl-ewwel jum tax-xogħol wara li jkun twassal lill-Kummissjoni b'posta reġistrata jew wara l-ħruġ ta' nota li tirrikonoxxi r-riċezzjoni mill-Kummissjoni.

Fejn, fin-nuqqas ta' xi ilment, Stat Membru jkollu pussess ta' evidenza suffiċjenti ta' sussidjar u tad-dannu li jirriżulta lill-industrija tal-Unjoni, huwa għandu jikkomunika tali evidenza immedjatament lill-Kummissjoni.

2.   Ilment taħt il-paragrafu 1 għandu jinkludi evidenza biżżejjed dwar l-eżistenza ta' sussidji kumpensabbli (inkluż, jekk possibbli, l-ammont tagħhom), id-dannu u r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet allegatament sussidjati u d-dannu allegat. L-ilment għandu jkun fih dik l-informazzjoni li tkun raġonevolment disponibbli għal dak li jagħmel l-ilment, dwar dan li ġej:

(a)

l-identità ta' min jagħmel l-ilment u deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili minn min jagħmel l-ilment. Fejn isir ilment bil-miktub f'isem l-industrija tal-Unjoni, l-ilment għandu jidentifika l-industrija li f'isimha l-ilment ikun sar b'lista ta' dawk il-produtturi magħrufa kollha tal-prodott simili fl-Unjoni (jew assoċjazzjonijiet ta' produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili) u, safejn ikun possibbli, deskrizzjoni tal-volum u l-valur tal-produzzjoni tal-Unjoni tal-prodott simili vantati minn tali produtturi;

(b)

deskrizzjoni sħiħa tal-prodott allegatament sussidjat, l-ismijiet tal-pajjiż jew pajjiżi tal-oriġini jew tal-esportazzjoni in kwestjoni, l-identità ta' kull wieħed mill-esportaturi jew produtturi barranin magħrufin u lista ta' persuni magħrufin li jimportaw il-prodott in kwistjoni;

(c)

evidenza dwar l-eżistenza, l-ammont, in-natura u l-kumpensabbiltà tas-sussidji in kwistjoni;

(d)

it-tibdil fil-volum tal-importazzjonijiet allegatament sussidjati, l-effett ta' dawk l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta' prodott simili fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, kif murija minn fatturi relevanti u indiċi li jkollhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni, bħal dawk elenkati fl-Artikolu 8(2) u (4).

3.   Il-Kummissjoni għandha, sa fejn hu possibli, teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza provduta fl-ilment, sabiex tiddetermina jekk hemmx evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

4.   Investigazzjoni tista' tinbeda sabiex jiġi determinat jekk l-allegati sussidji jkunux “speċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 4(2) u (3).

5.   Investigazzjoni tista' wkoll tinbeda fir-rigward ta' miżuri tat-tip elenkat fl-Anness IV, sa fejn humajkollhom element ta' sussidju kif definit bl-Artikolu 3, sabiex jiġi determinat jekk il-miżuri in kwistjoni jkunux kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dak l-Anness.

6.   M'għandhiex tinbeda investigazzjoni taħt il-paragrafu 1 sakemm ma jkunx ġie stabbilit, fuq il-bażi ta' eżami dwar il-grad ta' appoġġ għal, jew ta' oppożizzjoni għal, l-ilment espress mill-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili, li l-ilment kien magħmul minn, jew f'isem, l-industrija tal-Unjoni. L-ilment għandu jitqies li jkun sar minn, jew f'isem, l-industrija tal-Unjoni jekk ikollu l-appoġġ ta' dawk il-produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili prodott minn dik il-porzjoni tal-industrija tal-Unjoni li tesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għall-ilment. B'danakollu, l-ebda investigazzjoni m'għandha tinbeda fejn il-produtturi tal-Unjoni li espressament jappoġġaw l-ilment jammontaw għal anqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodott simili magħmul mill-industrija tal-Unjoni.

7.   L-awtoritajiet għandhom jevitaw, sakemm ma tkunx ittieħdet deċiżjoni biex tinbeda investigazzjoni, li jippubliċizzaw l-ilment li jitlob li tinbeda investigazzjoni. B'danakollu, kemm jista' jkun malajr wara r-riċezzjoni ta' ilment korrettament dokumentat skont dan l-Artikolu, u fi kwalunkwe każ qabel ma tinbeda investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tavża lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni kkonċernat, li għandu jkun mistieden għal konsultazzjonijiet bil-għan li tkun iċċarata s-sitwazzjoni dwar kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u li tinstab soluzzjoni bi ftehim reċiproku.

8.   Jekk, f'ċirkostanzi speċjali, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda investigazzjoni mingħajr ma tkun irċeviet ilment bil-miktub minn, jew f'isem, l-industrija tal-Unjoni sabiex tinbeda tali investigazzjoni, din għandha ssir abbażi ta' evidenza suffiċjenti tal-eżistenza ta' sussidji kumpensabbli, danni u rabta ta' kawżalità, kif deskritti fil-paragrafu 2, biex ikun iġġustifikat tali bidu. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tkun iddeterminat il-ħtieġa li tagħti bidu għal tali investigazzjoni.

9.   Kemm l-evidenza tas-sussidji kif ukoll l-evidenza tad-danni għandhom jitqiesu simultanjament fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda investigazzjoni jew le. Ilment għandu jkun miċħud fejn ma jkunx hemm evidenza suffiċjenti ta' sussidji kumpensabbli jew ta' dannu sabiex jiġġustifikaw it-tkomplija tal-każ. M'għandhomx jinbdew proċedimenti kontra pajjiżi li l-importazzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw sehem mis-suq taħt il-1 %, sakemm dawn il-pajjiżi kollettivament ma jammontawx għal 3 % jew aktar tal-konsum tal-Unjoni.

10.   L-ilment jista' jiġi irtirat qabel il-bidu, f'liema każ għandu jitqies bħala li ma sarx.

11.   Fejn ikun jidher li hemm evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-bidu ta' proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan fi żmien 45 jum mid-data li fiha ġie ppreżentat l-ilment u għandha tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata evidenza suffiċjenti, min jagħmel l-ilment għandu jkun infurmat dwar dan fi żmien 45 jum mid-data li fiha ġie ppreżentat l-ilment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-ilment normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha ġie ppreżentat l-ilment lill-Kummissjoni.

12.   L-avviż tal-bidu tal-proċedimenti għandu jħabbar il-bidu ta' investigazzjoni, jindika l-prodott u l-pajjiżi kkonċernati, jagħti riassunt tal-informazzjoni riċevuta, u jipprovdi li l-informazzjoni relevanti kollha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

Għandu jsemmi l-perjodi li matulhom il-partijiet interessati jkunu jistgħu jidentifikaw irwieħhom, jippreżentaw il-veduti tagħhom bil-miktub u jippreżentaw informazzjoni, jekk tali veduti u l-informazzjoni jkunu sejrin jiġu kkunsidrati fl-investigazzjoni. Għandu wkoll iħabbar il-perjodu li fih partijiet interessati jkunu jistgħu japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(5).

13.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-esportaturi, lill-importaturi u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-importaturi jew l-esportaturi lilha magħrufa li jkunu involuti, kif ukoll lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni u lil dawk li jkunu għamlu l-ilment, bil-bidu tal-proċeduri u, b'kont debitament meħud tal-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, tipprovdi t-test kollu tal-ilment bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 1 lill-esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, u fuq talba tagħmlu disponibbli lill-partijiet interessati oħra li jkunu involuti. Fejn in-numru ta' esportaturi involuti jkun partikolarment għoli, it-test kollu tal-ilment bil-miktub jista' minflok jingħata biss lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni jew lill-assoċjazzjoni tal-kummerċ relevanti.

14.   Investigazzjoni konnessa ma' dazju kumpensatorju m'għandhiex timpedixxi l-proċeduri ta' rilaxx mid-dwana.

Artikolu 11

L-investigazzjoni

1.   Konsegwentement għall-bidu tal-proċedimenti, il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tibda investigazzjoni fil-livell tal-Unjoni. Tali investigazzjoni għandha tkopri kemm is-sussidjar kif ukoll id-dannu, u huma għandhom jiġu investigati simultanjament.

Għall-finijiet ta' konklużjoni rappreżentattiva, għandu jintgħażel perjodu ta' investigazzjoni li fil-każ ta' sussidjar għandu, normalment, ikopri l-perjodu ta' investigazzjoni previst fl-Artikolu 5.

L-informazzjoni relatata ma' perjodu li jissussegwi l-perjodu tal-investigazzjoni m'għandhiex, normalment, tiġi kkunsidrata.

2.   Il-partijiet li jirċievu kwestjonarji wżati f'investigazzjoni konnessa ma' dazji kumpensatorji għandhom jingħataw mill-anqas 30 jum biex iwieġbu. Il-limitu ta' żmien għall-esportaturi għandu jingħadd mid-data tar-riċezzjoni tal-kwestjonarju, li għal dan il-għan għandu jitqies bħala riċevut fi żmien ġimgħa mill-jum li fih ikun intbagħat lir-rispondent jew trasmess lir-rappreżentant diplomatiku xieraq tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni. Tista' tingħata estensjoni għall-perjodu ta' 30 jum, b'kont debitament meħud tal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, sakemm il-parti turi raġuni tajba għal tali estensjoni fit-termini taċ-ċirkostanzi partikolari tagħha.

3.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu informazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha neċessarji sabiex jissodisfaw dawn it-talbiet.

Huma għandhom jibagħtu l-informazzjoni mitluba lill-Kummissjoni flimkien mar-riżultati tal-ispezzjonijiet, kontrolli jew investigazzjonijiet kollha li jkunu saru.

Fejn dik l-informazzjoni tkun ta' interess ġenerali jew fejn it-trasmissjoni tagħha tkun ġiet mitluba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tgħaddiha lill-Istati Membri, sakemm din ma tkunx kunfidenzjali, f'liema każ għandu jintbagħat sunt mhux kunfidenzjali.

4.   Il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa, partikolarment fost l-importaturi, il-kummerċjanti u l-produtturi tal-Unjoni, u li jagħmlu investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi, sakemm id-ditti kkonċernati jagħtu l-kunsens tagħhom u l-gvern tal-pajjiż in kwistjoni jkun ġie nnotifikat uffiċjalment u ma jsib ebda oġġezzjoni.

L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa sabiex jissodisfaw tali talbiet mill-Kummissjoni.

L-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom ikunu awtorizzati, jekk il-Kummissjoni jew Stat Membru hekk jitlob, biex jgħinu lill-uffiċjali tal-Istati Membri sabiex iwettqu d-doveri tagħhom.

5.   Il-partijiet interessati li jkunu identifikaw irwieħhom skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12) għandhom jinstemgħu jekk huma, fiż-żmien tal-perjodu stabbilit fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għamlu talba bil-miktub għal smigħ u wrew li huma parti interessata li aktarx tkun affettwata bir-riżultat tal-proċeduri u li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

6.   Fuq talba, għandhom jingħataw opportunitajiet lill-importaturi, l-esportaturi u lil dawk li jagħmlu l-ilment, li jkunu wrew l-interess tagħhom skont kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12), u l-gvern tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, li jiltaqghu ma' dawk il-partijiet li jkollhom interessi kuntrarji, sabiex ikunu jistgħu jiġu preżentati veduti opposti u offruti argumenti kuntrarji.

Meta jingħataw tali opportunitajiet għandu jittieħed kont tal-ħtieġa tal-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità u tal-konvenjenza tal-partijiet.

M'għandu jkun hemm l-ebda obbligu fuq xi parti sabiex jattendi xi laqgħa, u n-nuqqas li tagħmel hekk m'għandux jippreġudika l-każ ta' dik il-parti.

L-informazzjoni verbali provduta taħt dan il-paragrafu għandha titqies mill-Kummissjoni sakemm din tkun sussegwentement konfermata bil-miktub.

7.   Dawk li jagħmlu l-ilment, il-gvern tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, l-importaturi u l-esportaturi, u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi, li identifikaw irwieħhomskont kif stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12), jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw l-informazzjoni kollha mogħtija lill-Kummissjoni minn kull parti fl-investigazzjoni, b'distinzjoni mid-dokumenti interni preparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, li tkun relevanti għall-preżentazzjoni tal-każijiet tagħhom u li ma tkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 29, u li tintuża fl-investigazzjoni.

Tali partijiet jistgħu jwieġbu għal tali informazzjoni u l-kummenti tagħhom għandhom ikunu kkunsidrati kull fejn ikunu adegwatament sostanzjati fir-risposta.

8.   Ħlief fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 28, l-informazzjoni li tingħata minn partijiet interessati u li fuqha jkunu ġew ibbażati l-konklużjonijiet għandha tiġi eżaminata għall-eżattezza sakemm ikun possibbli.

9.   Għal proċeduri li jinbdew taħt l-Artikolu 10(11), investigazzjoni għandha, kull meta jkun possibbli, tiġi konkluża fi żmien sena. F'kull każ, tali investigazzjonijiet għandhom jiġu konklużi fi żmien 13-il-xahar mill-bidu tagħhom, skont il-konklużjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 13 għal impenji u l-konklużjonijiet magħmula taħt l-Artikolu 15 għal azzjoni definittiva.

10.   Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni opportunità raġonevoli biex ikompli bil-konsultazzjonijiet bil-għan li jikkjarifika s-sitwazzjoni fattwali u li jasal għal soluzzjoni miftiehma b'mod reċiproku.

Artikolu 12

Miżuri provviżorji

1.   Jistgħu jiġu imposti dazji provviżorji jekk:

(a)

ikunu nbdew proċedimenti skont l-Artikolu 10;

(b)

għal dak il-għan ikun ingħata avviż u l-partijiet interessati jkunu ngħataw opportunità adegwata biex jippreżentaw informazzjoni u jagħmlu l-kummenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(12);

(c)

tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja li l-prodott importat jibbenefika minn sussidji kumpensabbli u ta' dannu konsegwenti lill-industrija tal-Unjoni; u

(d)

l-interess tal-Unjoni jirrikjedi intervent sabiex jiġi impedut tali dannu.

Id-dazji provviżorji għandhom ikunu imposti mhux aktar kmieni minn 60 jum mill-bidu tal-proċedimenti iżda mhux aktar tard minn disa' xhur mill-bidu tal-proċedimenti.

L-ammont tad-dazju kumpensatorju provviżorju m'għandux jeċċedi l-ammont totali tas-sussidji kumpensabbli kif provviżorjament stabbiliti iżda għandu jkun inqas minn dan l-ammont, jekk tali dazju iżgħar ikun adegwat sabiex jelimina d-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

2.   Id-dazji provviżorji għandhom jiġu assigurati b'garanzija u r-rilaxx tal-prodotti kkonċernati għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni għandu jkun bil-kondizzjoni li tingħata tali garanzija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri provviżorji f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(4).

4.   Fejn Stat Membru jitlob intervent immedjat mill-Kummissjoni u fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fi żmien massimu ta' ħamest ijiem ta' xogħol mir-riċezzjoni tat-talba, tiddeċiedi jekk għandux jiġi impost dazju kumpensatorju provviżorju.

5.   Id-dazji kumpensatorji provviżorji għandhom ikunu imposti għal perjodu massimu ta' erba' xhur.

Artikolu 13

Impenji

1.   Bil-kondizzjoni li tkun saret determinazzjoni affermattiva provviżorja dwar l-għoti ta' sussidju u danni, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2), taċċetta offerti ta' impenji volontarji sodisfaċenti li bihom:

(a)

il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni jaqbel li jelimina jew jillimita s-sussidju jew jieħu miżuri oħra dwar l-effetti tiegħu; jew

(b)

kwalunkwe esportatur jimpenja ruħu li jirrivedi l-prezzijiet tiegħu jew li jwaqqaf l-esportazzjonijiet lejn iż-żona kkonċernata sakemm tali esportazzjonijiet ikunu jgawdu minn sussidji kumpensabbli, biex il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-effett ta' dannu tas-sussidji jkun b'hekk ġie eliminat.

F'tali każ u sakemm tali impenji jkunu fis-seħħ, id-dazji provviżorji imposti mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 12(3) u d-dazji definittivi imposti skont l-Artikolu 15(1) ma għandhomx japplikaw għall-importazzjonijiet rilevanti tal-prodott ikkonċernat manifatturat mill-kumpanniji msemmija fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif emendata sussegwentement, li taċċetta l-impenji.

Iż-żidiet fil-prezzijiet taħt tali impenji ma għandhomx ikunu ogħla milli jkun neċessarju biex ipaċu l-ammont ta' sussidji kumpensabbli, u għandhom ikunu inqas mill-ammont ta' sussidji kumpensabbli jekk tali żidiet ikunu adegwati biex jeliminaw id-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

2.   L-impenji jistgħu jiġu suġġeriti mill-Kummissjoni, iżda l-ebda pajjiż jew esportatur m'għandu jkun obbligat li jintrabat b'tali impenn. Il-fatt li pajjiżi jew esportaturi ma joffrux tali impenji, jew ma jaċċettawx stedina biex jagħmlu hekk, m'għandu bl-ebda mod jippreġudika l-konsiderazzjoni tal-każ.

B'danakollu, jista' jiġi determinat li jkun aktar probabbli li sseħħ theddida ta' dannu jekk l-importazzjonijiet sussidjati jkomplu. M'għandhomx ikunu mitluba jew aċċettati impenji minn pajjżi jew esportaturi sakemm ma tkunx saret determinazzjoni affermattiva provviżorja ta' sussidjar u dannu kaġunat minn tali sussidji.

Ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali, m'għandhomx jiġu offruti impenji aktar tard mit-tmiem tal-perjodu li fih jistgħu jsiru rappreżentazzjonijiet skont l-Artikolu 30(5).

3.   Mhuwiex meħtieġ li jiġu aċċettati impenji offerti jekk l-aċċettazzjoni tagħhom titqies imprattikabbli, bħal meta n-numru ta' esportaturi attwali jew potenzjali jkun kbir wisq, jew għal raġunijiet oħra, inklużi raġunijiet ta' politika ġenerali. Il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni kkonċernat jista' jingħata r-raġunijiet għaliex jiġi propost li tiġi miċħuda l-offerta ta' impenn u jista' jingħata l-opportunità li jagħmel kummenti dwar dan. Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda għandhom jingħataw fid-deċiżjoni definittiva.

4.   Il-partijiet li joffru impenn għandhom ikunu mistennija li jipprovdu verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dak l-impenn, sabiex din tkun tista' ssir disponibbli għall-partijiet interessati fl-investigazzjoni.

5.   Fejn jiġu aċċettati impenji l-investigazzjoni għandha tiġi terminata. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(3).

6.   Jekk l-impenji jiġu aċċettati, l-investigazzjoni dwar is-sussidjar u d-dannu għandha normalment tiġi kompluta. F'tali każ, jekk issir determinazzjoni negattiva dwar sussidjar jew dannu, l-impenn għandu jiskadi awtomatikament, ħlief f'każijiet fejn tali determinazzjoni tkun dovuta b'mod prinċipali għall-eżistenza ta' impenn. F'tali każijiet, jista' jkun meħtieġ li impenn jinżamm għal perjodu raġonevoli.

Fil-każ li ssir determinazzjoni affermattiva dwar sussidjar u dannu, l-impenn għandu jibqa', konsistentement skont it-termini tiegħu u d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

7.   Il-Kummissjoni għandha tesiġi minn kull pajjiż jew esportatur li minnu ġew aċċettati impenji li jipprovdi, perjodikament, informazzjoni relevanti għall-adempiment ta' dak l-impenn, u li jippermetti l-verifika ta' data pertinenti. In-nuqqas ta' konformità ma' tali rekwiżiti għandu jiġi interpretat bħala ksur tal-impenn.

8.   Fejn jiġu aċċettati impenji minn ċerti esportaturi tul il-kors ta' investigazzjoni, huma għandhom, għall-finijiet tal-Artikoli 18, 19, 20 u 22, jitqiesu bħala effettivi mid-data li fiha tġi konkluża l-investigazzjoni għall-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni.

9.   Fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenji minn kwalunkwe parti għall-impenn, jew fil-każ ta' rtirar tal-aċċettazzjoni tal-impenn mill-Kummissjoni, l-aċċettazzjoni tal-impenn għandu jiġi rtirat mill-Kummissjoni, skont il-każ, u għandu japplika d-dazju provviżorju li jkun ġie impost mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 12 jew id-dazju definittiv li jkun ġie impost f'konformità mal-Artikolu 15(1), sakemm l-esportatur ikkonċernat jew il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni jkun, ħlief fil-każ tal-irtirar tal-impenn minn dak l-esportatur jew pajjiż, ingħata opportunità biex jikkummenta. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri meta tiddeċiedi li tirtira impenn.

Kwalunkwe parti interessata jew Stat Membru jistgħu jippreżentaw informazzjoni, li tkun evidenza prima facie ta' ksur ta' impenn. Il-verifika sussegwenti dwar jekk ikunx sar ksur ta' impenn jew le għandha normalment tiġi konkluża fi żmien sitt xhur, iżda f'ebda każ aktar tard minn disa' xhur wara li ssir talba debitament sostanzjata.

Il-Kummissjoni tista' titlob l-assistenza tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-impenji.

10.   Jista' jiġi impost dazju provviżorju f'konformità mal-Artikolu 12 fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, fejn ikun hemm raġuni biex jitwemmen li qiegħed jinkiser xi impenn, jew fil-każ ta' ksur jew irtirar ta' impenn, fejn l-investigazzjoni li tkun wasslet għall-impenn ma tkunx ġiet konkluża.

Artikolu 14

Terminazzjoni mingħajr miżuri

1.   Fejn l-ilment jiġi rtirat, il-proċedimenti jistgħu jiġu terminati sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

2.   Fejn ma jkunux meħtieġa miżuri protettivi, l-investigazzjoni jew il-proċedimenti għandhom jiġu terminati. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(3).

3.   Għandhom jiġu terminati immedjatament il-proċedimenti fejn jiġi determinat li l-ammont ta' sussidji kumpensabbli jkun de minimis, skont il-paragrafu 5, jew fejn il-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, attwali jew potenzjali, jew id-dannu, ikun negliġibbli.

4.   Għal proċeduri mibdija skont l-Artikolu 10(11), id-dannu għandu normalment jitqies bħala negliġibbli fejn is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet jkun anqas mill-ammonti stabbiliti fl-Artikolu 10(9). Fir-rigward ta' investigazzjonijiet dwar importazzjonijiet minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-volum tal-importazzjonijiet sussidjati għandu wkoll jitqies bħala negliġibbli jekk dan jirrappreżenta inqas minn 4 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott simili fl-Unjoni, sakemm l-importazzjonijiet mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li s-sehem individwali tagħhom mill-importazzjonijiet totali jirrappreżentaw anqas minn 4 % kollettivament ma jammontawx għal aktar minn 9 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott simili fl-Unjoni.

5.   L-ammont ta' sussidji kumpensabbli għandhom jitqiesu bħala de minimis jekk tali ammont ikun inqas minn 1 % ad valorem, ħlief fejn, fir-rigward ta' investigazzjonijiet dwar importazzjonijiet minn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, il-limitu de minimis għandu jkun 2 % ad valorem, bil-kondizzjoni li tkun biss l-investigazzjoni li għandha tiġi terminata fejn l-ammont tas-sussidji kumpensabbli jkun taħt il-livell de minimis relevanti għall-esportaturi individwali, li għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċedimenti u jistgħu jkunu investigati mill-ġdid f'xi reviżjoni sussegwenti magħmula għall-pajjiż ikkonċernat skont l-Artikoli 18 u 19.

Artikolu 15

Impożizzjoni ta' dazji definittivi

1.   Fejn il-fatti kif stabbiliti finalment juru l-eżistenza ta' sussidji kumpensabbli u ta' dannu kkawżat minnhom, u fl-interess tal-Unjoni jkun hemm lok għal intervent f'konformità mal-Artikolu 31, għandu jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv mill-Kummissjoni li taġixxi skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artiklu 25(3). Fejn ikunu fis-seħħ dazji provviżorji, il-Kummissjoni għandha tibda dik il-proċedura mhux iktar tard minn xahar qabel l-iskadenza ta' tali dazji.

M'għandha tiġi imposta l-ebda miżura jekk is-sussidju jew is-sussidji jiġu rtirati jew jintwera li s-sussidji m'għadhomx jagħtu xi benefiċċju lill-esportaturi involuti.

L-ammont tad-dazju kumpensatorju m'għandux jeċċedi l-ammont ta' sussidji kumpensabbli stabbilit, iżda jkun xieraq li jkun inqas mill-ammont totali tas-sussidji kumpensabbli jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat għall-eliminazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni.

2.   Għandu jkun impost dazju kumpensatorju fl-ammonti adatti f'kull każ, fuq bażi mhux diskriminatorja, fuq l-importazzjonijiet ta' prodott minn dawk is-sorsi kollha li jkun instab li jgawdu minn sussidji kumpensabbli u li jikkaġunaw dannu, ħlief għall-importazzjonijiet minn dawk is-sorsi li mingħandhom ikunu ġew aċċettati impenji skont it-termini ta' dan ir-Regolament.

Ir-regolament li jimponi d-dazju għandu jispeċifika d-dazju għal kull fornitur, jew, jekk dan ma jkunx prattikabbli, il-pajjiż fornitur ikkonċernat.

3.   Meta l-Kummissjoni tkun illimitat l-investigazzjoni tagħha skont l-Artikolu 27, kull dazju kumpensatorju applikat għall-importazzjonijiet minn esportaturi jew produtturi li jkunu identifikaw irwieħhom skont l-Artikolu 27 iżda li ma ġewx inklużi fl-investigazzjonijiet m'għandux jeċċedi l-ammont medju ppeżat tas-sussidji kumpensabbli stabbiliti għall-partijiet fil-kampjun.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tinjora l-ammonti żero u de minimis ta' sussidji kumpensabbli u ammonti ta' sussidji kumpensabbli stabbiliti fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 28.

Id-dazji individwali għandhom ikunu applikati għall-importazzjonijiet minn kwalunkwe esportatur jew produttur li għalih ġie kkalkulat ammont individwali ta' sussidjar kif previst fl-Artikolu 27.

Artikolu 16

Retroattività

1.   Il-miżuri provviżorji u d-dazji kumpensatorji definittivi għandhom jiġu applikati biss għal prodotti li jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni libera wara ż-żmien meta l-miżura meħuda skont l-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 15(1), skont il-każ, tidħol fis-seħħ, soġġett għall-eċċezzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun ġie applikat dazju provviżorju u l-fatti kif stabbiliti finalment juru l-eżistenza ta' sussidji kumpensabbli u ta' dannu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, irrispettivament minn jekk għandux ikun impost dazju kumpensatorju definittiv, liema proporzjon tad-dazju provviżorju għandu jinġabar definittivament.

Għal dak l-iskop, “dannu” m'għandux jinkludi dewmien materjali fit-twaqqif ta' industrija tal-Unjoni, lanqas theddid ta' dannu materjali, ħlief fejn jinstab li dan, fin-nuqqas ta' miżuri provviżorji, kien jiżviluppa f'dannu materjali. Fil-każijiet l-oħrajn kollha li jinvolvu tali theddid jew dewmien, kwalunkwe ammont provviżorju għandu jiġi rilaxxat u d-dazji definittivi jistgħu jkunu imposti biss mid-data li fiha ssir determinazzjoni finali ta' theddid jew dewmien.

3.   Jekk id-dazju kumpensatorju definittiv ikun ogħla mid-dazju provviżorju, id-differenza m'għandiex tinġabar. Jekk id-dazju definittiv ikun anqas mid-dazju provviżorju, id-dazju għandu jiġi kkalkulat mill-ġdid. Fejn determinazzjoni finali tkun negattiva, id-dazju provviżorju m'għandux jiġi kkonfermat.

4.   Jista' jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv fuq prodotti li jkunu ddaħħlu għall-konsum mhux aktar minn 90 jum qabel id-data tal-applikazzjoni tal-miżuri provviżorji iżda mhux qabel il-bidu tal-investigazzjoni, sakemm:

(a)

l-importazzjonijiet jkunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 24(5);

(b)

l-importaturi kkonċernati ngħataw opportunità mill-Kummissjoni li jikkummentaw;

(c)

jeżistu ċirkostanzi kritiċi fejn, għall-prodott sussidjat in kwistjoni, ikun ġie kkawżat dannu, li jkun diffiċilment rimedjabbli, minn importazzjonijiet kbar ħafna, fi żmien relattivament qasir, ta' prodott li jkun gawda minn sussidji kumpensabbli skont it-termini ta' dan ir-Regolament; u

(d)

jitqies bħala meħtieġ, sabiex tkun prekluża r-rikorrenza ta' tali dannu, li d-dazji kumpensatorji jkunu stmati fuq bażi retroattiva fuq dawk l-importazzjonijiet.

5.   F'każijiet ta' ksur jew irtirar ta' impenji, jistgħu jiġu imposti dazji definittivi fuq oġġetti li jidħlu għal ċirkolazzjoni libera mhux iktar tard minn 90 jum qabel l-applikazzjoni ta' miżuri provviżorji, sakemm l-importazzjonijiet ikunu ġew reġistrati skont l-Artikolu 24(5) u sakemm kwalunkwe tali stima retroattiva m'għandhiex tapplika għal importazzjonijiet li jkunu daħlu qabel il-ksur jew l-irtirar tal-impenn.

Artikolu 17

Tul ta' żmien

Miżura kumpensatorja għandha tibqa' fis-seħħ biss sakemm, u sa fejn, tkun meħtieġa biex tikkontrapponi s-sussidji kumpensabbli li jkunu qegħdin jikkawżaw dannu.

Artikolu 18

Reviżjonijiet ta' skadenza

1.   Miżura kumpensatorja definittiva għandha tiskadi fi żmien ħames snin mill-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tar-reviżjoni l-aktar riċenti li tkun kopriet kemm is-sussidjar kif ukoll id-dannu, sakemm ma jiġix stabbilit f'reviżjoni li l-iskadenza aktarx li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar u d-dannu. Tali reviżjoni ta' skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew f'isem, il-produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa' fis-seħħ sa meta jkollha r-riżultat ta' dik ir-reviżjoni.

2.   Għandha tinbeda reviżjoni ta' skadenza fejn it-talba tkun tinkludi evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri aktarx tirriżulta f'kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar u d-dannu. Tali probabbiltà tista', per eżempju, tiġi indikata b'evidenza ta' sussidjar kontinwat u dannu jew evidenza li l-eliminazzjoni tad-dannu hija parzjalment jew unikament dovuta għall-eżistenza ta' miżuri jew evidenza li ċ-ċirkostanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbiltà ta' aktar sussidjar dannuż.

3.   Meta jsiru l-investigazzjonijiet taħt dan l-Artikolu, l-esportaturi, l-importaturi, il-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jingħataw l-opportunità li jamplifikaw, jirribattu jew jikkummentaw dwar il-materji deskritti fit-talba għal reviżjoni, u l-konklużjonijiet għandhom jintlaħqu billi jittieħed kont tal-evidenza kollha li tkun relevanti u debitament dokumentata, li tkun ġiet preżentata fir-rigward tal-kwistjoni jekk ikunx probabbli, jew improbabbli, li l-iskadenza ta' miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew rikorrenza tas-sussidjar u d-dannu.

4.   Għandu jiġi ppubblikat avviż ta' skadenza imminenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fi żmien adatt fl-aħħar sena tal-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri kif definiti f'dan l-Artikolu. Sussegwentement, il-produtturi tal-Unjoni għandhom, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin, ikunu intitolati li jippreżentaw talba għal reviżjoni skont il-paragrafu 2. Għandu wkoll jiġi ppubblikat avviż li jħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri taħt dan l-Artikolu.

Artikolu 19

Reviżjonijiet interim

1.   Il-ħtieġa tal-kontinwazzjoni ta' impożizzjoni ta' miżuri tista' wkoll tiġi riveduta, fejn dan ikun meħtieġ, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew, sakemm ikun għadda żmien raġonevoli ta' mill-anqas sena minn mill-impożizzjoni tal-miżura definittiva, fuq it-talba ta' kwalunkwe esportatur, importatur jew tal-produtturi tal-Unjoni jew tal-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni li tkun tinkludi evidenza suffiċjenti biex tissostanzja l-ħtieġa ta' reviżjoni interim.

2.   Għandha tinbeda reviżjoni interim fejn it-talba tkun tinkludi evidenza suffiċjenti li l-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżura ma tkunx aktar meħtieġa biex tpaċi s-sussidju kumpensabbli u/jew li d-dannu aktarx li ma jkomplix jew ma jerġax iseħħ jekk il-miżura tiġi eliminata jew varjata, jew li l-miżura eżistenti m'hijiex, jew m'għadhiex aktar, suffiċjenti biex tikkontrapponi s-sussidju kumpensabbli li jkun qed joħloq id-dannu.

3.   Fejn id-dazji kumpensatorji imposti jkunu inqas mill-ammont ta' sussidji kumpensabbli skoperti, tista' tinbeda reviżjoni interim jekk il-produtturi tal-Unjoni jew xi parti interessata oħra jippreżentaw, normalment fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-miżuri, evidenza suffiċjenti li, wara l-perjodu oriġinali tal-investigazzjoni u qabel jew wara l-impożizzjoni tal-miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni naqsu jew li ma kien hemm l-ebda moviment, jew moviment insuffiċjenti, ta' prezzijiet ta' bejgħ mill-ġdid tal-prodott importat fl-Unjoni. Jekk l-investigazzjoni turi li l-allegazzjonijiet kienu korretti, jistgħu jiżdiedu d-dazji kumpensatorji biex tinkiseb iż-żieda fil-prezz meħtieġa biex jiġi eliminat id-dannu. Madankollu, il-livell ta' dazju miżjud ma għandux jeċċedi l-ammont tas-sussidji kumpensabbli.

Ir-reviżjoni interim tista' tinbeda wkoll, taħt il-kondizzjonijiet hawn fuq stabbiliti, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

4.   Meta jsiru l-investigazzjoniet skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista', inter alia, tikkunsidra jekk iċ-ċirkostanzi fir-rigward ta-s-sussidjar u d-dannu nbidlux b'mod sinifikanti, jew jekk il-miżuri eżistenti humiex jiksbu r-riżultati mistennija fl-eliminazzjoni tad-dannu li jkun ġie determinat qabel taħt l-Artikolu 8. F'dawk il-każijiet, għandu jittieħed kont, fid-determinazzjoni finali, tal-evidenza kollha li tkun relevanti u debitament dokumentata.

Artikolu 20

Reviżjonijiet aċċelerati

Kull esportatur li l-esportazzjonijiet tiegħu jkunu soġġetti għal dazju kumpensatorju definittiv iżda li ma kienx ġie individwalment investigat matul l-investigazzjoni oriġinali għal raġunijiet ħlief dik li kien ċaħad li jikkopera mal-Kummissjoni, għandu jkun intitolat, wara talba, għal reviżjoni aċċelerata sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi malajr rata ta' dazju kumpensatorju individwali għal dak l-esportatur.

Tali reviżjoni għandha tinbeda wara li l-produtturi fl-Unjoni jkunu ngħataw l-opportunità li jagħtu l-kummenti tagħhom.

Artikolu 21

Rifużjonijiet

1.   Minkejja l-Artikolu 18, importatur jista' jitlob ir-rifużjoni ta' dazji miġbura fejn jintwera li l-ammont ta' sussidji kumpensabbli, li fuq il-bażi tagħhom kienu tħallsu d-dazji, ġew eliminati jew imnaqqsa għal livell li jkun taħt il-livell tad-dazju fis-seħħ.

2.   Meta jagħmel talba ta' rifużjoni tad-dazji kumpensatorji, l-importatur għandu jippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni. L-applikazzjoni għandha tintbagħat permezz tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġew rilaxxati l-prodotti għaċ-ċirkolazzjoni libera, fi żmien sitt xhur mid-data li fiha l-ammont tad-dazji definittivi li jkunu sejrin jiġu imposti kien ġie debitament determinat mill-awtoritajiet kompetenti jew mid-data li fiha kienet ittieħdet definittivament deċiżjoni li jinġabar l-ammonti garantiti permezz ta' dazju provviżorju. L-Istati Membri għandhom jgħaddu t-talba lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

3.   Applikazzjoni għal rifużjoni għandha titqies biss bħala debitament sostanzjata permezz ta' evidenza fejn tkun tinkludi informazzjoni preċiża dwar l-ammont ta' rifużjoni mitluba ta' dazji kumpensatorji u d-dokumentazzjoni doganali kollha relatata mal-kalkolu u l-ħlas ta' tali ammont. Għandha tinkludi wkoll evidenza, għal perjodu rappreżentattiv, tal-ammont ta' sussidji kumpensabbli għall-esportatur jew produttur li għalih japplika d-dazju. Fil-każijiet fejn l-importatur ma jkunx assoċjat mal-esportatur jew produttur ikkonċernat u tali informazzjoni ma tkunx disponibbli immedjatament, jew fejn l-esportatur jew produttur ma jkunx irid jirrilaxxaha lill-importatur, l-applikazzjoni għandha tinkludi dikjarazzjoni mill-esportatur jew produttur li l-ammont ta' sussidju kumpensabbli ġie mnaqqas jew eliminat, kif speċifikat f'dan l-Artikolu, u li l-evidenza relevanti ta' appoġġ sejra tingħata lill-Kummissjoni. Fejn tibqa' ma tingħatax tali evidenza mill-esportatur jew mill-produttur fi żmien raġonevoli, l-applikazzjoni għandha tiġi miċħuda.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk għandhiex jew le tiġi aċċettata l-applikazzjoni u, jekk tiġi aċċettata, sa liema punt, jew hija tista' tiddeċiedi fi kwalunkwe mument li tibda reviżjoni interim, fejn l-informazzjoni u l-konklużjonijiet minn tali reviżjoni, li tkun saret f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għal tali reviżjonijiet, għandhom jintużaw biex jiġi determinat jekk tkunx ġustifikata jew le rifużjoni u, jekk ġustifikata, sa liema punt.

Ir-rifużjonijiet ta' dazji għandhom normalment isiru fi żmien 12-il xhar u taħt l-ebda ċirkostanzi aktar minn 18-il xahar wara d-data li fiha tkun saret talba għal rifużjoni, debitament appoġġata minn evidenza, minn importatur tal-prodott soġġett għad-dazju kumpensatorju.

Ikun normalment xieraq li l-ħlas ta' xi rifużjoni awtorizzata jsir mill-Istati Membri fi żmien 90 jum mid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar reviżjonijiet u rifużjonijiet

1.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' proċeduri u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet, esklużi dawk relatati ma' limiti ta' żmien, għandhom japplikaw għal kull reviżjoni li ssir taħt l-Artikoli 18, 19 u 20.

Ir-reviżjonijiet li jsiru taħt l-Artikoli 18 u 19 għandhom isiru malajr u għandhom normalment jiġu konklużi fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidu tar-reviżjoni. Taħt kwalunkwe ċirkostanza, ir-reviżjonijiet taħt l-Artikoli 18 u 19 għandhom, fil-każijiet kollha, jiġu konklużi fi żmien 15-il xahar minn meta jinbdew.

Ir-reviżjonijiet taħt l-Artikolu 20 għandhom f'kull każ jintemmu fi żmien disa' xhur minn meta jinbdew.

Jekk tinbeda reviżjoni li ssir taħt l-Artikolu 18 waqt li tkun għaddejja reviżjoni taħt l-Artikolu 19 fl-istess proċedimenti, ir-reviżjoni taħt l-Artikolu 19 għandha tiġi konkluża fl-istess mument kif previst hawn fuq għar-reviżjoni taħt l-Artikolu 18.

Jekk l-investigazzjoni ma titlestiex fil-limiti ta' żmien speċifikati fit-tieni, it-tielet u r-rabà subparagrafu, il-miżuri għandhom:

(a)

jiskadu f'investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 18;

(b)

jiskadu fil-każ ta' investigazzjonijiet li jsiru taħt l-Artikoli 18 u 19 b'mod parallel, fejn jew l-investigazzjoni taħt l-Artikolu 18 inbdiet waqt li kienet għaddejja reviżjoni taħt l-Artikolu 19 fl-istess proċedimenti jew fejn tali reviżjonijiet inbdew fl-istess mument; jew

(c)

jibqgħu l-istess f'investigazzjonijiet taħt l-Artikoli 19 u 20.

Għandu jiġi ppubblikat avviż li jħabbar l-iskadenza attwali jew iż-żamma tal-miżuri meħudin taħt dan il-paragrafu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Ir-reviżjonijiet taħt l-Artikoli 18, 19 u 20 għandhom jinbdew mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tibdiex jew le reviżjonijiet taħt l-Artikolu 18 f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2). Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll informazzjoni lill-Istati Membri ladarba operatur jew Stat Membru jkun ippreżenta talba li tiġġustifika l-bidu ta' reviżjoni taħt l-Artikoli 19 u 20 u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din, jew ladarba l-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li l-ħtieġa li titkompla l-impożizzjoni tal-miżuri għandha tiġi analizzata.

3.   Fejn hekk ikun ikkunsiljat mir-reviżjonijiet, il-miżuri għandhom, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(3), jitħassru jew jinżammu taħt l-Artikolu 18, jew jitħassru, jinżammu jew jiġu emendati taħt l-Artikoli 19 u 20.

4.   Fejn jitħassru miżuri għal esportaturi individwali, iżda mhux għall-pajjiż kollu, tali esportaturi għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċedimenti u jistgħu jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għal dak il-pajjiż taħt dan l-Artikolu.

5.   Fejn tkun għaddejja reviżjoni ta' miżuri taħt l-Artikolu 19 fi tmiem il-perjodu tal-applikazzjoni ta' miżuri kif definit fl-Artikolu 18, il-miżuri għandhom ukoll jiġu investigati taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18.

6.   Fl-investigazzjonijiet kollha ta' reviżjoni jew rifużjoni taħt l-Artikoli 18 sa 21, il-Kummissjoni għandha, sakemm iċ-ċirkostanzi ma jkunux inbidlu, tapplika l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, b'kont debitament meħud tal-Artikoli 5, 6, 7 u 27.

Artikolu 23

Evażjoni

1.   Id-dazji kumpensatorji imposti taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi tal-prodott simili, kemm jekk ftit modifikat kif ukoll jekk le, jew għal importazzjonijiet tal-prodott simili ftit modifikat mill-pajjiż li jkun soġġett għal miżuri, jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

2.   Jistgħu jiġu estiżi dazji kumpensatorji, li ma jeċċedux id-dazju kumpensatorju residwu impost skont l-Artikolu 15(2), għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi soġġetti għal miżuri meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ.

3.   Evażjoni hija definita bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Unjoni jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għal miżuri u l-Unjoni, li tirriżulta minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom m'hemmx kawża dovuta suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti ħlief l-impożizzjoni tad-dazju, u fejn ikun hemm evidenza ta' dannu jew li l-effetti rimedjali tad-dazju jkunu qed jiġu mminatif'termini tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili u li l-prodott simili importat u/jew partijiet minnu għadhom jibbenefikaw mis-sussidju.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia:

(a)

il-modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat biex b'hekk jaqa' taħt kodiċijiet doganali li normalment m'humiex soġġetti għall-miżuri, sakemm il-modifika ma tibdilx il-karatteristiċi essenzjali tiegħu;

(b)

il-kunsinna tal-prodott soġġett għal miżuri tramite pajjiżi terzi;

(c)

ir-riorganizzazzjoni mill-esportaturi jew produtturi tax-xejriet tagħhom u tal-kanali tal-bejgħ fil-pajjiż soġġett għal miżuri sabiex eventwalment il-prodotti tagħhom jiġu esportati lejn l-Unjoni permezz ta' produtturi li jibbenefikaw minn rata individwali ta' dazju li tkun inqas minn dik applikabbli għall-prodotti tal-fabbrikanti.

4.   L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew taħt dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew ta' kwalunkwe parti interessata abbażi ta' evidenza suffiċjenti fir-rigward tal-fatturi stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3. Il-bidu għandu jingħata permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni li jista' wkoll jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex l-importazzjonijiet jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 24(5) jew biex jintalbu garanziji. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba parti interessata jew Stat Membru jippreżentaw talba li tiġġustifika l-bidu ta' investigazzjoni u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha ta' din, jew fejn il-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li jeħtieġ li tinbeda investigazzjoni.

L-investigazzjonijiet għandhom isiru mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tiġi assistita minn awtoritajiet doganali u l-investigazzjonijiet għandhom jitlestew fi żmien disa' xhur.

Fejn il-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kummissjoni filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 25(3).

L-estensjoni għandha ssir effettiva mid-data li fiha ġiet imposta r-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 24(5) jew li fiha ntalbu l-garanziji. Id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-bidu u t-tmexxija ta' investigazzjonijiet għandhom japplikaw skont dan l-Artikolu.

5.   L-importazzjonijiet m'għandhomx ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 24(5) jew għal miżuri fejn ikunu kummerċjalizzati minn kumpanniji li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet.

6.   It-talbiet għal eżenzjonijiet debitament appoġġati minn evidenza għandhom jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni li jibda' l-investigazzjoni.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni jsiru barra mill-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' xi produttur li jkun soġġett għall-miżuri u li jinstabu li m'humiex involuti fi prattiċi ta' evażjoni kif definita fil-paragrafu 3.

Fejn il-prattika, proċess jew ħidma ta' evażjoni isiru ġewwa l-Unjoni, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet lil importaturi li jistgħu juru li ma għandhom l-ebda relazzjoni ma' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri.

Dawk l-eżenzjonijiet għandhom jingħataw b'deċiżjoni tal-Kummissjoni u għandhom jibqgħu validi għall-perijodu u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fiha. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri hekk kif tlesti l-analiżi tagħha.

Sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20, jistgħu wkoll jingħataw eżenzjonijiet wara l-konklużjoni tal- investigazzjoni li twassal għall-estensjoni tal-miżuri.

7.   Sakemm tkun għaddiet mill-inqas sena mill-estensjoni tal-miżuri, u fil-każ fejn in-numru ta' partijiet li jitolbu jew x'aktarx jitolbu eżenzjoni jkun sinifikattiv, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibda' reviżjoni tal-estensjoni tal-miżuri. Kwalunkwe tali reviżjoni għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) kif applikabbli għal reviżjonijiet taħt l-Artikolu 19.

8.   Xejn f'dan l-Artikolu ma jipprekludi l-applikazzjoni normali tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw dazji doganali.

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Id-dazji kumpensatorji provviżorji jew definittivi għandhom ikunu imposti b'Regolament, u miġbura mill-Istati Membri fil-forma, bir-rata speċifikata u skont il-kriterji l-oħra stabbiliti fir-Regolament li jimponi tali dazji. Tali dazji għandhom ukoll jinġabru indipendentement mid-dazji doganali, taxxi u piżijiet oħra normalment imposti fuq l-importazzjonijiet.

L-ebda prodott m'għandu jkun soġġett kemm għal dazju anti-dumping kif ukoll għal dazju kumpensatorju bil-għan li tiġi trattata l-istess sitwazzjoni li tirriżulta minn dumping jew minn sussidjar ta' esportazzjoni.

2.   Ir-Regolamenti li jimponu dazji kumpensatorji provviżorji jew definittivi, u r-Regolamenti jew Deċiżjonijiet li jaċċettaw impenji jew li jitterminaw investigazzjonijiet jew proċedimenti, għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Tali Regolamenti jew Deċiżjonijiet għandhom partikolarment jinkludu, u bil-konsiderazzjoni dovuta għall-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali, l-ismijiet tal-esportaturi, jekk possibbli, jew tal-pajjiżi involuti, deskrizzjoni tal-prodott u sommarju tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet relevanti għad-determinazzjoni tas-sussidju u d-determinazzjoni tad-dannu. F'kull każ, għandha tintbagħat kopja tar-Regolament jew Deċiżjoni lil dawk il-partijiet interessati li jkunu magħrufin. Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-paragrafu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-reviżjonijiet.

3.   Jistgħu jiġu adottati skont dan ir-Regolament dispożizzjonijiet speċjali, partikolarment fir-rigward tad-definizzjoni komuni tal-kunċett tal-oriġini, kif jinsab fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

4.   Fl-interess tal-Unjoni, il-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament jistgħu jiġu sospiżi b'deċiżjoni tal-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2) għal perijodu ta' disa' xhur. Is-sospensjoni tista' tiġi estiża għal perijodu ieħor, li ma jkunx iżjed minn sena, mill-Kummissjoni filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2).

Il-miżuri jistgħu jiġu sospiżi biss fejn il-kondizzjonijiet tas-suq jkunu nbidlu temporanjament b'tali mod li jkun improbabbli li jirrikorri d-dannu bħala riżultat tas-sospensjoni, u sakemm l-industrija tal-Unjoni tkun ingħatat l-opportunità li tikkummenta u dawk il-kummenti jkunu ġew ikkunsidrati. Il-miżuri jistgħu fi kwalunkwe żmien jiġu ristabbiliti f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 25(2) jekk ir-raġuni għas-sospensjoni ma tkunx għadha applikabbli.

5.   Il-Kummissjoni tista', wara li tkun infurmat lill-Istati Membri fi żmien debitu, tagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali sabiex jieħdu l-passi adatti biex jirreġistraw importazzjonijiet, biex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu applikati sussegwentement kontra dawk l-importazzjonijiet mid-data ta' tali reġistrazzjoni.

L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li tkun tinkludi evidenza suffiċjenti li tiġġustifika tali azzjoni.

Ir-registrazzjoni għandha tiġi introdotta b'Regolament li għandu jispeċifika l-iskop tal-azzjoni u, jekk ikun il-każ, l-ammont stmat ta' obbligazzjoni futura possibbli. L-importazzjonijiet m'għandhomx ikunu soġġetti għal reġistrazzjoni għal perjodu itwal minn disa' xhur.

6.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu rapport kull xahar lill-Kummissjoni dwar il-kummerċ tal-importazzjoni ta' prodotti soġġetti għal investigazzjoni u għal miżuri, u dwar l-ammont ta' dazji miġbura taħt dan ir-Regolament.

7.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri, fuq bażi ta' każ b'każ, li jagħtu informazzjoni neċessarja biex isir monitoraġġ effiċjenti fuq l-applikazzjoni tal-miżuri. F'dan ir-rigward għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) u (4). Kull data ppreżentata mill-Istati Membri skont dan l-Artikolu tkun koperta bid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(6).

Artikolu 25

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit mir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

5.   Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, fejn isir użu tal-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' miżuri definittivi taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jew għat-teħid ta' deċiżjoni biex jinbdew jew ma jinbdewx reviżjonijiet ta' skadenza skont l-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew jekk dan jintalab minn maġġoranza ta' membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn isir użu tal-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn tkun saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżuri fil-kumitat, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew jekk dan jintalab minn maġġoranza sempliċi ta' membri tal-kumitat. Fejn isir użu tal-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn ma tkunx saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżuri fil-kumitat, dik il-proċedura għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew jekk dan jintalab minn tal-inqas kwart tal-membri tal-kumitat.

6.   Il-kumitat jista' jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, imqajma mill-Kummissjoni jew fuq talba ta' Stat Membru. L-Istati Membri jistgħu jitolbu informazzjoni u jistgħu jiskambjaw fehmiet fil-kumitat jew direttament mal-Kummissjoni.

Artikolu 26

Żjarat ta' verifika

1.   Il-Kummissjoni għandha, fejn jidhrilha li jkun il-każ, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta' importaturi, esportaturi, negozjanti, aġenti, produtturi, assoċjazzjonijiet kummerċjali u organizzazzjonijiet kummerċjali, u biex tivverifika l-informazzjoni provduta dwar is-sussidjar u d-dannu. Fin-nuqqas ta' tweġiba adegwata u f'waqtha ma tistax issir żjara ta' verifika. Il-Kummissjoni tista' tagħżel li ma' tagħmilx żjara ta' verifika.

2.   Il-Kummissjoni tista' tagħmel investigazzjonijiet f'pajjiżi terzi kif meħtieġ, sakemm dan isir bi ftehim mad-ditti kkonċernati, tavża lill-pajjiż in kwistjoni u dan tal-aħħar ma jagħmel l-ebda oġġezzjoni għall-investigazzjoni. Malli l-ftehim mad-ditti kkonċernati jinkiseb, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tad-ditti li tkun se ssirilhom iż-żjara u dwar id-dati miftehmin.

3.   Id-ditti kkonċernati għandhom jiġi mgħarrfa bin-natura tal-informazzjoni li trid tiġi vverifikata matul iż-żjarat tal-verifika u kull informazzjoni oħra li teħtieġ li tiġi provduta matul tali żjarat, għalkemm dan ma jżommx milli jsiru talbiet, għal aktar dettalji, matul il-verifika, fid-dawl tal-informazzjoni miksuba.

4.   F'investigazzjonijiet magħmulin taħt il-paragrafi 1, 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn uffiċjali ta' dawk l-Istati Membri li jitolbu hekk.

Artikolu 27

Teħid ta' kampjuni

1.   Fil-każijiet fejn in-numru ta' dawk li jagħmlu l-ilmenti, tal-esportaturi jew tal-importaturi, tat-tipi ta' prodotti jew tat-transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista' tkun limitata għal:

(a)

numru raġonevoli ta' partijiet, prodotti jew transazzjonijiet billi jintużaw kampjuni li jkunu statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla; jew

(b)

l-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni, tal-bejgħ jew tal-esportazzjoni li raġonevolment jista' jkun investigat fiż-żmien disponibbli.

2.   L-għażla finali tal-partijiet, tat-tipi ta' prodotti jew ta' transazzjonijiet li ssir taħt dan l-Artikolu għandha tkun tal-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta' kampjun b'konsultazzjoni ma', u bil-kunsens ta', il-partijiet ikkonċernati, sakemm dawn il-partijiet ikunu identifikaw irwieħhom u għamlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex ikun possibbli li jintgħażel kampjun rappreżentattiv.

3.   F'każijiet fejn l-investigazzjoni kienet limitata skont dan l-Artikolu, għandu jiġi kkalkulat ammont individwali ta' sussidjar kumpensabbli għal kwalunkwe esportatur jew produttur, mhux magħżul fil-bidu, li jippreżenta l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, ħlief fejn in-numru ta' esportaturi jew produtturi jkun hekk kbir li jagħmel ix-xogħol ta' eżamijiet individwali oneruż wisq u jimpedixxi l-investigazjoni milli tiġi konkluża fi żmien adegwat.

4.   Fejn ikun deċiż li jittieħed kampjun u jkun hemm livell ta' nuqqas ta' koperazzjoni minn uħud jew mill-partijiet kollha magħżula li probabbilment jaffettwa materjalment ir-riżultat tal-investigazzjoni, jista' jintgħażel kampjun ġdid.

B'danakollu, jekk jippersisti livell materjali ta' nuqqas ta' koperazzjoni jew jekk ma jkunx hemm żmien biżżejjed biex jintgħażel kampjun ġdid, id-dispożizzjonijiet relevanti tal-Artikolu 28 għandhom japplikaw.

Artikolu 28

Nuqqas ta' koperazzjoni

1.   Fil-każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tiċħad l-aċċess għal, jew b'mod ieħor ma tipprovdix, l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' żmien previsti f'dan ir-Regolament, jew tostakola l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru konklużjonijiet provviżorji jew finali, affermattivi jew negattivi, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew qarrieqa, dik l-informazzjoni għandha tiġi mwarrba u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu mwissija dwar il-konsegwenzi ta' nuqqas ta' koperazzjoni.

2.   In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata m'għandux jitqies bħala nuqqas ta' koperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitluba tirriżulta f'piż żejjed mhux raġonevoli jew fi spejjeż żejda mhux raġonevoli.

3.   Fejn l-informazzjoni ppreżentata minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta m'għandhiex titwarrab, sakemm in-nuqqasijiet ma jkunux tali li jikkawżaw diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għal konklużjoni raġonevolment eżatta u sakemm l-informazzjoni ġiet ippreżentata adegwatament fi żmien tajjeb u hija verifikabbli, u sakemm il-parti tkun aġixxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.

4.   Jekk xi evidenza jew informazzjoni ma tiġix aċċettata, il-parti fornitriċi għandha tiġi mgħarrfa immedjatament bir-raġunijiet ta' dan u għandha tingħata opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjonijiet fil-limitu ta' żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet jitqiesu bħala mhux sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta' tali evidenza jew informazzjoni għandhom jiġu żvelati u mogħtija fil-pubblikazzjoni ta' konklużjonijiet.

5.   Jekk id-determinazzjonijiet, inklużi dawk dwar l-ammont ta' sussidji kumpensabbli, ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, din għandha, fejn ikun prattikabbli u b'konsiderazzjoni għal-limiti ta' żmien tal-investigazzjoni, tiġi vverifikata b'referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal listi ta' prezzijiet ippubblikati, statistika uffiċjali tal-importazzjoni u prospetti doganali, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

Tali informazzjoni tista' tinkludi data rilevanti li tappartjeni lis-suq dinji jew swieq rappreżentattivi oħra, fejn ikun il-każ.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkoperax, jew tikkopera biss parzjalment, hekk li tinżamm lura xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat tal-investigazzjoni jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkoperat.

Artikolu 29

Kunfidenzjalità

1.   Kull informazzjoni li min-natura tagħha hija kunfidenzjali (per eżempju, minħabba li l-iżvelar tagħha jista' jkun ta' vantaġġ kompetittiv sinifikanti għal kompetitur jew jista' jkollu effett negattiv sinifikanti fuq xi persuna li tkun forniet l-informazzjoni jew fuq persuna li minnha l-persuna li tipprovdi l-informazzjoni tkun jkun ingħata l-informazzjoni), jew li tingħata fuq bażi kunfidenzjali minn partijiet għal investigazzjoni għandha, jekk tintwera raġuni valida, tiġi trattata bħala tali mill-awtoritajiet.

2.   Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni kunfidenzjali għandhom ikunu mitluba li jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha. Dawk is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jagħtu fehma raġonevoli tas-sostanza tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali informazzjoni ma tistax titqassar. F'tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tingħata dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex ma jkunx possibbli li jsir sommarju.

3.   Jekk jitqies li talba għal kunfidenzjalità m'hijiex ġustifikata u jekk il-fornitur tal-informazzjoni jew ma jkunx dispost li jforni l-informazzjoni jew ma jkunx iridx jawtorizza l-iżvelar tagħha f'forma ġeneralizzata jew sommarja, tali informazzjoni tista' tiġi injorata sakemm ma jistax jintwera b'mod sodisfaċenti minn sorsi adegwati li l-informazzjoni hija korretta. It-talbiet għall-kunfidenzjalità m'għandhomx jiġu miċħuda arbitrarjament.

4.   Dan l-Artikolu m'għandux jipprekludi l-iżvelar ta' informazzjoni ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni, u, partikolarment, tar-raġunijiet li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu d-deċiżjonijiet taħt dan ir-Regolament, u lanqas l-iżvelar tal-evidenza li qagħdu fuqha l-awtoritajiet tal-Unjoni sa fejn dan ikun meħtieġ biex jiġu spjeġati dawk ir-raġunijiet fi proċedimenti tal-qorti. Tali żvelar għandu jieħu kont tal-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati li s-sigrieti tagħhom kummerċjali jew governattivi ma jiġux żvelati.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inklużi l-uffiċjali tagħhom it-tnejn, ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni li tkun waslitilhom taħt dan ir-Regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku minn dak il-fornitur. L-iskambji ta' informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, jew ta' kwalunkwe dokument intern preparat mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew l-Istati Membri, ma għandhomx jiġu żvelati ħlief kif speċifikament previst f'dan ir-Regolament.

6.   L-informazzjoni riċevuta taħt dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun ġiet mitluba.

Din id-dispożizzjoni ma għandhiex tipprekludi l-użu ta' informazzjoni riċevuta fil-kuntest ta' investigazzjoni waħda għall-għan li jingħata bidu għal investigazzjonijiet oħrajn fl-istess proċedimenti li jikkonċernaw l-istess prodott simili.

Artikolu 30

Żvelar

1.   Dawk li jagħmlu xi lment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, u l-pajjiż tal-oriġini u/jew tal-esportazzjoni, jistgħu jitolbu l-iżvelar tad-dettalji li jkunu jsejsu l-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-miżuri provviżorji kienu ġew imposti. It-talbiet għal tali żvelar għandhom isiru bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista' jkun malajr wara dan.

2.   Il-partijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitolbu l-iżvelar finali tal-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom jkun maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi, jew it-terminazzjoni ta' investigazzjoni jew proċedimenti mingħajr l-impożizzjoni ta' miżuri, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-iżvelar ta' xi fatti jew konsiderazzjonijiet li jkunu differenti minn dawk użati għal kwalunkwe miżura provviżorja.

3.   It-talbiet għal żvelar finali għandhom isiru bil-miktub u jkunu indirizzati lill-Kummissjoni u għandhom jaslu, f'dawk il-każijiet fejn ġie impost dazju provviżorju, mhux aktar tard minn xahar mill-pubblikazzjoni tal-impożizzjoni ta' dak id-dazju. Fejn ma jkunx ġie impost dazju provviżorju, il-partijiet għandhom jingħataw l-opportunità li jitolbu l-iżvelar finali fil-limiti ta' żmien stabbiliti mill-Kummissjoni.

4.   L-iżvelar finali għandu jingħata bil-miktub. Dan għandu jsir, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, kemm jista' jkun malajr u, normalment, mhux iktar tard minn xahar qabel ma jinbdew il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15. Fejn il-Kummissjoni ma tkunx fil-pożizzjoni li tiżvela ċerti fatti jew konsiderazzjonijiet f'dak il-mument, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr wara.

L-iżvelar ma għandu jippreġudika l-ebda deċiżjoni sussegwenti li tista' tittieħed mill-Kummissjoni, iżda fejn tali deċiżjoni tkun ibbażata fuq kwalunkwe fatt u konsiderazzjoni differenti, dawn għandhom jiġu żvelati kemm jista' jkun malajr.

5.   Ir-rappreżentazzjonijiet li jsiru wara li jsir l-iżvelar finali għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk jaslu fi żmien perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni f'kull każ, li għandu jkun ta' mill-inqas għaxart ijiem, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-urġenza tal-kwistjoni. Jista' jiġi stabbilit perijodu iqsar kull darba li jkun jrid isir żvelar finali addizzjonali.

Artikolu 31

L-interess tal-Unjoni

1.   Determinazzjoni dwar jekk l-interess tal-Unjoni jkunx jeħtieġ intervent għandha tkun ibbażata fuq stima tal-interessi varji kollha meħuda flimkien, inklużi l-interessi tal-industrija domestika u l-utenti u l-konsumaturi. Determinazzjoni taħt dan l-Artikolu għandha ssir biss fejn il-partijiet kollha jkunu ngħataw l-opportunità li juru l-fehmiet tagħhom skont il-paragrafu 2. F'tali eżami, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali l-ħtieġa li jkunu eliminati l-effetti ta' distorsjoni tal-kummerċ ta' sussidjar dannuż u li tkun restawrata l-kompetizzjoni effettiva. Ma jistgħux jiġu applikati miżuri, kif determinat fuq il-bażi tas-sussidjar u d-dannu misjuba, fejn l-awtoritajiet, fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha ppreżentata, jistgħu jikkonkludu b'mod ċar li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li tali miżuri jiġu applikati.

2.   Sabiex tiġi provduta bażi soda li fuqha l-awtoritajiet jistgħu jikkunsidraw il-fehmiet u l-informazzjoni kollha fid-deċiżjoni dwar jekk l-impożizzjoni jew le ta' miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni, min jagħmel l-ilmenti, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, l-utenti rapreżentattivi u l-organizzazzjonijiet konsumeristiċi rapreżentattivi jistgħu, fil-limiti ta' żmien speċifikati fl-avviż tal-bidu tal-investigazzjoni konness ma' dazju kumpensatorju, jidentifikaw irwieħhom u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni. Tali informazzjoni, jew sommarji adegwati tagħha, għandhom isiru disponibbli lill-partijiet l-oħrajn kif speċifikat f'dan il-paragrafu, u huma għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal tali informazzjoni.

3.   Il-partijiet li jkunu mxew skont il-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li jinstemgħu. Tali talbiet għandhom jintlaqgħu meta jiġu ppreżentati fil-limiti ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 2, u meta jagħtu r-raġunijiet, fit-termini tal-interess tal-Unjoni, għaliex għandhom jinstemgħu l-partijiet.

4.   Il-partijiet li jkunu mxew skont il-paragrafu 2 jistgħu jipprovdu kummenti dwar l-applikazzjoni ta' kwalunkwe dazju provviżorju. Tali kummenti għandhom jaslu fi żmien 25 jum mid-data tal-applikazzjoni ta' tali miżuri biex jittieħed kont tagħhom u dawn, jew sommarji adegwati tagħhom, għandhom ikunu disponibbli għall-partijiet l-oħra li għandhom ikunu intitolati li jwieġbu għal tali kummenti.

5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni li tiġi korrettement ippreżentata u kemm din tkun rappreżentattiva, u r-riżultati ta' tali analiżi, flimkien ma' opinjoni dwar il-merti tagħha, għandhom jintbagħtu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 bħala parti mill-abbozz ta' miżura ppreżentat skont l-Artikoli 14 u 15. Ikun xieraq li l-Kummissjoni tikkunsidra l-fehmiet espressi fil-kumitat taħt il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

6.   Il-partijiet li jkunu mxew skont il-paragrafu 2 jistgħu jitolbu li l-fatti u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom aktarx li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali jsiru disponibbli għalihom. Tali informazzjoni għandha ssir disponibbli sa fejn ikun possibbli u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-Kummissjoni.

7.   L-informazzjoni għandha titqies biss jekk tkun appoġġata minn evidenza attwali li tissostanzja l-validità tagħha.

Artikolu 32

Relazzjonijiet bejn miżuri ta' dazju kumpensatorju u rimedji multilaterali

Jekk prodott importat isir soġġett għal xi kontro-miżuri imposti wara li jkun sar użu tal-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehim dwar is-Sussidji, u tali miżuri jkunu adegwati biex jeliminaw id-dannu kkawżat mis-sussidji kumpensabbli, kwalunkwe dazju kumpensatorju impost fir-rigward ta' dak il-prodott għandu jiġi immedjatament sospiż, jew imħassar, skont il-każ.

Artikolu 33

Dispożizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament m'għandux jipprekludi l-applikazzjoni ta':

(a)

kwalunkwe regola speċjali stabbilita fi ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(b)

ir-Regolamenti tal-Unjoni fis-settur agrikolu u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 (8), (KE) Nru 614/2009 (9) u (KE) Nru 1216/2009 (10). Dan ir-Regolament għandu jopera bħala komplementari għal dawk ir-Regolamenti u b'deroga mid-dispożizzjonijiet tagħhom li jipprekludu l-applikazzjoni ta' dazji kumpensatorji;

(c)

miżuri speċjali, sakemm tali azzjoni ma tmurx kontra obbligi taħt il-GATT 1994.

Artikolu 34

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/1036.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 597/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni stabbilita fl-Anness VI.

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  L-Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (ĠU C 230, 14.7.2015, p. 129).

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal- Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(4)  Ara l-Anness V.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal- eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ara l-paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1667/2006 tas-7 ta' Novembru 2006 dwar il-glukosju u l-lattosju (ĠU L 312, 11.11.2006, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 614/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar is-sistema komuni għall-kummerċ fl-ovalbumin u l-lactalbumin (ĠU L 181, 14.7.2009, p. 8).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (ĠU L 328, 15.12.2009, p. 10).


ANNESS I

LISTA ILLUSTRATTIVA TA' SUSSIDJI FUQ L-ESPORTAZZJONI

(a)

L-għoti minn gvernijiet ta' sussidji diretti lil xi ditta jew industrija, li jiddipendu mill-prestazzjoni tal-esportazzjoni.

(b)

Skemi ta' żamma ta' munita jew prattiċi simili li jinvolvu bonus fuq l-esportazzjonijiet.

(c)

Imposti ta' trasport intern u ta' ġarr ta' merkanzija fuq vjeġġi ta' esportazzjoni, disposti jew mandati minn gvernijiet, taħt kondizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk għal vjeġġi domestiċi.

(d)

L-għoti minn gvernijiet jew aġenziji tagħhom jew direttament jew indirettament permezz ta' skemi mandati mill-gvern, ta' prodotti jew servizzi importati jew domestiċi għall-użu fil-produzzjoni ta' oġġetti għall-esportazzjoni, taħt termini jew kondizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk provduti għal prodotti jew servizzi simili jew f'kompetizzjoni diretta għall-użu fil-produzzjoni ta' oġġetti għall-konsum domestiku, jekk (fil-każ ta' prodotti) tali termini jew kondizzjonijiet ikunu aktar favorevoli minn dawk kummerċjalment disponibbli (1) fis-swieq mondjali għall-esportaturi tagħhom.

(e)

L-eżenzjoni sħiħa jew parzjali, ir-remissjoni, jew id-differiment (2) relatat b'mod speċifiku mal-esportazzjonijiet, ta' taxxi diretti (3) jew piżijiet ta' għajnuna soċjali mħallsa jew eżiġibbli minn intrapriżi industrijali jew kummerċjali.

(f)

Il-konċessjoni ta' tnaqqis speċjali direttament relatat mal-esportazzjonijiet jew mal-prestazzjoni fl-esportazzjoni, lil hinn minn dawk mgħotija fir-rigward tal-produzzjoni għall-konsum domestiku, fil-kalkolu tal-bażi li fuqu jkunu imposti t-taxxi diretti.

(g)

L-eżenzjoni jew ir-remissjoni, fir-rigward tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' prodotti esportati, ta' taxxi indiretti (4) b'eċċess ta' dawk imposti fir-rigward tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' prodotti simili meta jinbiegħu għall-konsum domestiku.

(h)

L-eżenzjoni, ir-remissjoni jew id-differiment ta' taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni (4) fuq oġġetti jew servizzi użati fil-produzzjoni ta' prodotti esportati b'eċċess tal-eżenzjoni, remissjoni jew differiment ta' taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni fuq oġġetti u servizzi użati fil-produzzjoni ta' prodotti simili meta mibjugħa għall-konsum domestiku; sakemm, madanakollu, it-taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni jistgħu jiġu eżentati, rimessi jew differiti fuq prodotti esportati anki meta mhux eżentati, rimessi jew differiti fuq prodotti simili meta mibjugħa għall-konsum domestiku, jekk it-taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni jkunu imposti fuq inputs li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (wara li ssir il-konċessjoni normali għall-iskart) (5). Dan l-element għandu jiġi interpretat skont il-linji gwida fuq il-konsum ta' inputs fil-proċess tal-produzzjoni li jinsabu fl-Anness II.

(i)

Ir-remissjoni jew l-irtirar ta' imposti fuq l-importazzjoni (4) b'eċċess ta' dawk miġburin minn fuq inputs importati li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (wara li ssir il-konċessjoni normali għall-iskart); sakemm, madanakollu, li f'każijiet partikolari ditta tista' tagħmel użu minn kwantità ta' inputs mis-suq domestiku li jkunu ugwali għal, u li jkollhom l-istess kwalità u karatteristiċi bħal, inputs importati bħala sostituti għalihom sabiex tgawdi minn din id-dispożizzjoni jekk l-operazzjonijiet tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni korrispondenti jseħħu t-tnejn matul perjodu ta' żmien raġonevoli, li ma jeċċedix is-sentejn. Dan l-element għandu jiġi interpretat skont il-linji gwida fuq il-konsum ta' inputs fil-proċess tal-produzzjoni li jinsabu fl-Anness II u l-linji gwida fid-determinazzjoni dwar sistemi sostituti ta' rtirar bħala sussidji għall-esportazzjoni li jinsabu fl-Anness III.

(j)

Il-provvediment minn gvernijiet (jew minn istituzzjonijiet speċjali kontrollati minn gvernijiet) ta' programmi ta' garanzija ta' kreditu għall-esportazzjoni jew programmi ta' assigurazzjoni, ta' programmi ta' assigurazzjoni jew ta' garanziji kontra ż-żieda fl-ispejjeż tal-prodotti esportati jew ta' programmi ta' skambju ta' riskju, bl-aħjar rati li ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż u t-telf operattivi fuq perjodu ta' żmien twil tal-programmi.

(k)

L-għoti minn gvernijiet (jew minn istituzzjonijiet speċjali kontrollati minn u/jew li jaġixxu taħt l-awtorità tal-gvernijiet) ta' krediti għall-esportazzjoni b'rati inqas minn dawk li huma attwalment ikollhom iħallsu għall-fondi hekk użati (jew li kien ikollhom iħallsu kieku kellhom jissellfu fis-swieq internazzjonali tal-kapital sabiex jiksbu fondi tal-istess maturità u termini ta' kreditu oħra u denominati fl-istess munita bħall-kreditu għall-esportazzjoni), jew il-ħlas minnhom fl-intier jew parti mill-ispejjeż magħmulin minn esportaturi jew istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jiksbu kreditu, sa fejn jintużaw sabiex jiġi akkwistat vantaġġ materjali fil-qasam tat-termini ta' kreditu għall-esportazzjoni.

Sakemm, madanakollu, li jekk Membru tal-WTO ikun parti għal xi impenn internazzjonali dwar il-krediti uffiċjali għall-esportazzjoni li għalih jagħmlu parti mill-anqas 12 minn tali Membru oriġinali mill-1 ta' Jannar 1979 (jew impenn suċċessiv li kien ġie adottat minn dawk il-Membri oriġinali), jew jekk fil-prattika Membru tal-WTO japplika d-dispożizzjonijiet tar-rati tal-imgħax tal-impenn relevanti, il-prattika ta' kreditu għall-esportazzjoni li tkun konformi ma' dawk id-dispożizzjonijiet m'għandhiex titqies bħala sussidju għall-esportazzjoni.

(l)

Kull imposta oħra fuq il-kontijiet pubbliċi li tikkostitwixxi sussidju għall-esportazzjoni fis- sens tal-Artikolu XVI tal-GATT 1994.


(1)  “Kummerċjalment disponibbli” tfisser li l-għażla bejn prodotti domestiċi u importati mhijiex ristretta u tiddipendi biss minn konsiderazzjonijiet kummerċjali.

(2)  Id-differiment jista' ma jammontax għal sussidju tal-esportazzjoni fejn, per eżempju, jinġabru imposti adegwati fuq imgħaxijiet

(3)  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

“taxxi diretti” tfisser taxxi fuq pagi, qligħ, imgħaxijiet, kirjiet, jeddijiet ta1-awtur, u kull forma oħra ta' dħul, kif ukoll taxxi fuq proprjetà immobbli,

“imposti fuq l-importazzjoni” tfisser tariffi, dazji, u imposti fiskali oħrajn mhux elenkati band' oħra f'din in-nota li jinġabru minn fuq importazzjonijiet,

“taxxi indiretti” tfisser bejgħ, sisa, fatturat, valur miżjud, franchise, boll,taxxi fuq transferimenti, fuq inventarji u fuq tagħmir, taxxi tal-fruntiera u kull taxxa minbarra taxxi diretti u imposti fuq l-importazzjoni,

taxxi indiretti “fi stadju aktar kmieni” huma t-taxxi li jinġabru fuq oġġetti jew servizzi użati direttament jew indirettament fil-manifattura tal-prodott,

taxxi indiretti “kumulattivi” huma taxxi imposti f'diversi stadji fejn m'hemmx mekkaniżmu għall-ikkreditar sussegwenti ta' taxxa jekk l-oġġetti jew servizzi soġġetti għat-taxxa fi stadju partikolari tal-produzzjoni jintużaw fi stat suċċessiv tal-produzzjoni,

“remissjoni” ta' taxxi tinkludi r-rifużjoni jew it-tnaqqis ta' taxxi,

“remissjoni jew 1-irtirar” tinkludi 1-eżenzjoni parzjali jew totali jew id-differiment ta' imposti fuq l-importazzjoni.

(4)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2 tal-punt (e).

(5)  Il-punt (h) ma japplikax għal sistemi ta' taxxa fuq il-valur miżjud u aġġustament ta' taxxa fuq il-fruntiera minflok; il-problema ta' remissjoni eċċessiva ta' taxi fuq il-valur miżjud hija esklużivament koperta bil-punt (g).


ANNESS II

LINJI GWIDA DWAR IL-KONSUM TA' INPUTS FIL-PROĊESS TAL-PRODUZZJONI  (1)

1.

L-iskemi ta' tnaqqis ta' taxxa indiretta jistgħu jippermettu eżenzjoni, remissjoni jew differiment ta' taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni imposti fuq inpits li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (wara li ssir il-konċessjoni normali għall-iskart). B'mod simili, l-iskemi tal-irtirar jistgħu jippermettu r-remissjoni jew l-irtirar ta' imposti fuq l-importazzjoni imposti fuq inputs li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat (wara li ssir il-konċessjoni normali għall-iskart).

2.

Il-lista illustrattiva ta' sussidji fuq l-esportazzjoni fl-Anness I tagħmel referenza għat-terminu “inputs li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat” fil-punti (h) u (i). Skont il-punt (h), l-iskemi ta' tnaqqis ta' taxxi indiretti jistgħu jikkostitwixxu sussidju fuq l-esportazzjoni sal-punt li jirriżultaw f'eżenzjoni, remissjoni jew differiment ta' taxxi indiretti kumulattivi fi stadju aktar kmieni li jkun jeċċedi l-ammont ta' tali taxxi li jkunu attwalment imposti fuq inputs li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat. Skont il-punt (i), l-iskemi ta' rtirar jistgħu jikkostitwixxu sussidju fuq l-esportazzjoni sal-punt li huma jirriżultaw f'remissjoni jew irtirar ta' imposti fuq l-importazzjoni li jkun jeċċedi dawk attwalment imposti fuq inputs li jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat. Iż-żewġ punti jistipulaw li għandha ssir il-konċessjoni normali għall-iskart fil-konklużjonijiet dwar il-konsum ta' inputs fil-produzzjoni tal-prodott esportat. Il-punt (i) jipprovdi wkoll għal sostituzzjoni, fejn ikun il-każ.

3.

Meta jiġi eżaminat jekk jiġux ikkunsmati inputs fil-produzzjoni tal-prodott esportat, bħala parti minn investigazzjoni konnessa ma' dazju kumpensatorju skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni normalment għandha tipproċedi fuq il-bażi segwenti.

4.

Fejn jiġi allegat li xi skema ta' tnaqqis ta' taxxa indiretta, jew skema ta' irtirar, tkun tagħti sussidju permezz ta' tnaqqis żejjed jew irtirar żejjed ta' taxxi indiretti jew ta' imposti tal-importazzjoni fuq inputs ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat, il-Kummissjoni trid normalment l-ewwel tistabbilixxi jekk il-gvern tal-pajjiż tal-esportazzjoni jkollux eżistenti, u japplikax, sistema jew proċedura biex ikun aċċertat liema inputs jiġu kkunsmati fil-produzzjoni tal-prodott esportat u f'liema ammonti. Fejn jiġi ddeterminat li tali sistema jew proċedura hija tapplikata, il-Kummissjoni għandha mbagħad normalment teżamina s-sistema jew il-proċedura biex tara jekk hijiex raġonevoli, effettiva għall-iskop maħsub, u hijiex ibbażata fuq prattiċi kummerċjali ġeneralment aċċettati fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni jista' jidhrilha li huwa neċessarju li tagħmel, taħt l-Artikolu 26(2), ċerti testijiet prattiċi sabiex tivverifika xi informazzjoni jew sabiex tissodisfa ruħha li s-sistema jew proċedura qiegħda tiġi applikata effettivament.

5.

Fejn ma jkunx hemm tali sistema jew proċedura, fejn ma tkunx raġonevoli, jew fejn tkun istitwita u kkunsidrata raġonevoli iżda jinstab li ma tkunx applikata jew li ma tkunx applikata effettivament, ikun normalment meħtieġ li jsir eżami ulterjuri mill-pajjiż tal-esportazzjoni bbażat fuq l-inputs attwali involuti fil-kuntest tad-determinazzjoni jekk sarx xi pagament eċċessiv. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun meħtieġ, jista' jsir eżami ieħor taħt il-punt 4.

6.

Il-Kummissjoni għandha normalment titratta l-inputs bħala fiżikament inkorporati jekk tali inputs jintużaw fil-proċess tal-produzzjoni u jkunu fiżikament preżenti fil-prodott esportat. Mhuwiex meħtieġ li input li jkun preżenti fil-prodott finali jkun fl-istess forma li biha jkun daħal fil-proċess tal-produzzjoni.

7.

Meta jiġi determinat l-ammont ta' xi input partikolari li jiġi kkunsmat fil-produzzjoni tal-prodott esportat, għandha normalment tiġi kkunsidrata “konċessjoni normali għall-iskart”, u tali skart għandu normalment jitqies bħala kkunsmat fil-produzzjoni tal-prodott esportat. It-terminu “skart” jirriferi għal dik il-parti ta' input partikolari li ma sservix funzjoni indipendenti fil-proċess tal-produzzjoni, ma tiġix ikkunsmata fil-produzzjoni tal-prodott esportat (għal raġunijiet bħall-ineffiċjenza) u ma tkunx irkuprata, użata jew mibjugħa mill-istess fabbrikant.

8.

Id-determinazzjoni li ssir mill-Kummissjoni dwar jekk il-konċessjoni mitluba għall-iskart hijiex “normali” għandha normalment tieħu kont tal-proċess tal-produzzjoni, l-esperjenza medja tal-industrija fil-pajjiż tal-esportazzjoni, u fatturi oħra tekniċi, skont il-każ. Il-Kummissjoni għandha dejjem tiftakar li kwistjoni importanti hija jekk l-awtoritajiet fil-pajjiż tal-esportazzjoni ikkalkulawx raġonevolment tal-ammont ta' skart, meta tali ammont ikun maħsub biex jiġi inkluż fit-tnaqqis jew fir-remissjoni tat-taxxa jew dazju.


(1)  Inputs li jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni huma inputs fiżikament inkorporati, enerġija, karburanti u żejt użati fil-proċess tal-produzzjoni u katalisti li jiġu kkunsmati tul l-użu tagħhom biex jinkiseb il-prodott esportat.


ANNESS III

LINJI GWIDA FID-DETERMINAZZJONI TA' SISTEMI TA' RTIRAR B'SOSTITUZZJONI BĦALA SUSSIDJI FUQ L-ESPORTAZZJONI

I

Is-sistemi ta' rtirar jistgħu jippermettu r-rifużjoni jew l-irtirar ta' imposti tal-importazzjoni fuq inputs li jiġu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni ta' prodott ieħor u fejn l-esportazzjoni ta' dan il-prodott tal-aħħar tkun tinkludi inputs domestiċi li jkollhom l-istess kwalità u karatteristiċi bħal dawk preżentati għall-inputs importati. Skont il-punt (i) tal-Anness I, is-sistemi ta' rtirar ta' sostituzzjoni jistgħu jikkostitwixxu sussidju fuq l-esportazzjoni sa fejn jirriżultaw f'irtirar li jeċċedi l-imposti tal-importazzjoni li nġabru inizjalment minn fuq l-inputs importati li għalihom ikun qed jintalab l-irtirar.

II

Fl-eżami ta' kwalunkwe sistema ta' rtirar ta' sostituzzjoni bħala parti minn investigazzjoni konnessa ma' dazju kumpensatorju taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha normalment tipproċedi fuq il-bażi li ġejja:

1.

il-punt (i) tal-Anness I jistipula li inputs mis-suq domestiku jistgħu jissostitwixxu inputs importati fil-produzzjoni ta' prodott għall-esportazzjoni sakemm tali inputs ikunu ugwali fil-kwantità għal, u jkollhom l-istess kwalità u karatteristiċi bħal, l-inputs importati li jkunu qed jiġu sostitwiti. L-eżistenza ta' sistema jew proċedura ta' verifikazzjoni hija importanti għaliex tagħmilha possibbli għall-gvern ta' pajjiż tal-esportazzjoni li jassigura u juri li l-kwantità ta' inputs li għalihom jintalab l-irtirar ma teċċedix il-kwantità ta' prodotti simili esportati, fi kwalunkwe forma, u li ma jkunx hemm l-irtirar ta' imposti fuq l-importazzjoni li jeċċedu lil dawk oriġinarjament miġburin fuq l-inputs importati in kwistjoni;

2.

fejn jiġi allegat li sistema tal-irtirar ta' sostituzzjoni tagħti sussidju, il-Kummissjoni għandha normalment l-ewwel tipproċedi biex tiddetermina jekk il-gvern tal-pajjiż tal-esportazzjoni jkollux fis-seħħ, u japplikax, sistema jew proċedura ta' verifika. Fejn jiġi determinat li hija applikata sistema jew proċedura, il-Kummissjoni għandha normalment sussegwentement teżamina l-proċeduri ta' verifika sabiex tara jekk dawn ikunux raġonevoli, effettivi għall-iskop maħsub, u bbażati fuq prattiċi kummerċjali ġeneralment aċċettati fil-pajjiż tal-esportazzjoni. Sa fejn jiġi determinat li l-proċeduri jissodisfaw dan it-test u li huma applikati b'mod effettiv, l-ebda sussidju ma jiġi preżunt li jeżisti. Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li jkun meħtieġ li tagħmel, skont l-Artikolu 26(2), ċerti testijiet prattiċi sabiex tivverifika l-informazzjoni jew tissodisfa lilha nnfisha li l-proċeduri ta' verifika huma applikati effettivament;

3.

fejn ma jeżistux proċeduri ta' verifika, fejn ma jkunux ragonevoli, jew fejn tali proċeduri jkunu istitwiti u kkunsidrati raġonevoli iżda jinstab li ma jkunux attwalment qegħdin jiġu applikati jew applikati effettivament, jista' jkun hemm sussidju. F'tali każijiet, ikun meħtieġ eżami ulterjuri, mill-pajjiż tal-esportazzjoni, ibbażat fuq it-transazzjonijiet attwali involuti sabiex jiġi determinat jekk ikunx sar ħlas eċċessiv. Jekk il-Kummissjoni tħoss li jkun meħtieg, jista' jsir eżami ieħor skont il-punt 2;

4.

l-eżistenza ta' dispożizzjoni ta' rtirar b'sostituzzjoni li taħtha l-esportaturi jistgħu jagħżlu l-vjeġġi ta' importazzjoni partikolari li fuqhom jintalab l-irtirar m'għandhiex minnha nfisha titqies li tagħti sussidju;

5.

jitqies bħala li jeżisti l-irtirar eċċessiv ta' imposti fuq l-importazzjoni fis-sens tal-punt (i) tal-Anness I fejn l-gvernijiet ħallsu l-imgħax fuq xi flejjes li tħallsu lura taħt l-iskemi tal-irtirar tagħhom, sa fejn ikun attwalment tħallas jew eżiġibbli l-imgħax.


ANNESS IV

(Dan l-Anness jirriproduċi l-Anness 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura. Kwalunkwe terminu jew espressjoni mhux spjegati hawnhekk jew li ma jispjegawx lilhom infushom għandhom jiġu interpretati fil-kuntest ta' dak il-Ftehim.)

APPOĠĠ DOMESTIKU: IL-BAŻI TA' EŻENZJONI MILL- IMPENJI TA' TNAQQIS

1.   Il-miżuri ta' appoġġ domestiku li għalihom ikun hemm talba għal eżenzjoni mill-impenji ta' tnaqqis għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit fundamentali li ma jkollhom ebda, jew għall-aktar minimalment, effetti ta' distorsjoni tal-kummerċ jew effetti fuq il-produzzjoni. Għaldaqstant, il-miżuri kollha li għalihom issir talba għall-eżenzjoni għandhom ikunu konformi mal-kriterji bażiċi li ġejjin:

(a)

l-appoġġ in kwistjoni għandu jingħata permezz ta' programm governattiv finanzjat minn fondi pubbliċi (inkluż introjtu governattiv ikkunsidrat bħala mhux eżiġibbli) li ma jinvolvix trasferimenti minn konsumaturi; u

(b)

l-appoġġ in kwistjoni ma jkollux l-effett li jipprovdi appoġġ fil-prezz għall-fabbrikanti;

kif ukoll ma' kriterji ta' linja politika speċifika u ma' kondizzjonijiet kif stabbiliti hawn taħt.

Programmi ta' servizzi governattivi

2.   Servizzi ġenerali

Il-linji politiċi f'din il-kategorija jinvolvu nfiq (jew introjtu kkunsidrat bħala ineżiġibbli) relattivament għal programmi li jipprovdu servizzi jew benefiċċji lill-agrikoltura jew lill-komunitajiet rurali. M'għandhomx jinvolvu pagamenti diretti lill-produtturi jew lil dawk li jipproċessaw. Tali programmi, li jinkludu iżda li m'humiex ristretti għal-lista li ġejja, għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali fil-punt 1 u l-kondizzjonijiet ta' linja politika speċifika fejn ikunu stabbiliti hawn taħt:

(a)

ir-riċerka, inkluża r-riċerka ġenerali, ir-riċerka konnessa ma' programmi ambjentali, u programmi ta' riċerka relatati ma' prodotti partikolari;

(b)

il-kontroll ta' organiżmi pestiferi u ta' mard, inklużi miżuri ta' kontroll, ġenerali u speċifiċi għall-prodott, ta' organiżmi pestiferi u ta' mard, bħal sistemi ta' twissija bikrija, kwarantina u qerda;

(c)

servizzi ta' taħriġ, inklużi faċilitajiet ta' taħriġ kemm ġenerali kif ukoll speċifiku;

(d)

servizzi ta' estensjoni u konsultattivi, inkluż l-għoti ta' mezzi sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta' informazzjoni u r-riżultati tar-riċerka lil produtturi u konsumaturi;

(e)

servizzi ta' ispezzjoni, inklużi servizzi ta' ispezzjoni ġenerali u l-ispezzjoni ta' prodotti partikolari għall-finijet ta' saħħa, sigurtà, gradazzjoni jew standardizzazzjoni;

(f)

servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni u promozzjoni, inklużi informazzjoni dwar is-suq, konsulenza u promozzjoni dwar prodotti partikolari iżda eskluż infiq għal skopijiet mhux speċifikati li jistgħu jintużaw mill-bejjiegħa biex inaqqsu l-prezz tal-bejgħ tagħhom jew biex jagħtu benefiċċju ekonomiku dirett lix-xerrejja; u

(g)

servizzi infrastrutturali, inklużi: ir-retikolat tad-distribuzzjoni tal-elettriku, it-toroq u mezzi oħra ta' trasport, il-faċilitajiet tas-swieq u l-portijiet, il-faċilitajiet tal-provvista tal-ilma, l-iskemi ta' digi u drenaġġi, u x-xogħol infrastrutturali marbut ma' programmi ambjentali. Fil-każijiet kollha l-infiq għandu jkun dirett lejn il-provvista jew kostruzzjoni ta' xogħolijiet kapitali biss, u għandha teskludi l-provvista sussidjata ta' faċilitajiet tal-irziezet ħlief għal dawk tar-retikolat tad-distribuzzjoni ta' bżonnijiet pubbliċi ġeneralment disponibbli. M'għandhiex tinkludi sussidji għal inputs jew spejjeż operattivi, jew imposti preferenzjali ta' użu.

3.   Ħażna pubblika għal skopijiet ta' sigurtà tal-ikel (1)

L-infiq (jew l-introjtu kkunsidrat bħala ineżiġibbli) relatat mal-akkumulazzjoni u l-ħażna ta' stokkijiet ta' prodotti li jkunu jagħmlu parti integrali minn programm ta' sigurtà tal-ikel li jkun identifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jista' jinkludi għajnuna governattiva għal ħażniet privati ta' prodotti bħala parti minn tali programm.

Il-volum u l-akkumulazzjoni ta' tali ħażniet għandhom jikkorrispondu għal miri predeterminati relatati biss mas-sigurtà tal-ikel. Il-proċess tal-akkumulazzjoni ta' ħażniet u l-użu tagħhom għandu jkun finanzjarjament trasparenti. Ix-xiri ta' ikel mill-gvern għandu jsir bil-prezzijiet kurrenti tas-suq u l-bejgħ mill-ħażniet ta' sigurtà tal-ikel għandu jsir bi prezz li ma jkunx anqas minn dak kurrenti fis-suq domestiku għall-prodott u l-kwalità applikabbli.

4.   Għajnuna għal ikel domestiku (2)

L-infiq (jew l-introjtu kkunsidrat bħala ineżiġibbli) relatat mal-għoti ta' għajnuna domestika ta' ikel lil sezzjonijiet tal-popolazzjoni li jkunu fil-bżonn.

L-eliġibbiltà għar-riċezzjoni tal-għajnuna ta' ikel għandha tkun soġġetta għal kriterji definiti b'mod ċar relatati ma' għanijiet ta' nutriment. Tali għajnuna għandha tkun fil-forma ta' għotja diretta ta' ikel lil dawk ikkonċernati jew l-għotja ta' mezzi li jippermettu lir-reċipjenti eliġibbli li jixtru ikel bi prezzijiet tas-suq jew sussidjati. Ix-xiri ta' ikel mill-gvern għandu jsir bil-prezzijiet kurrenti tas-suq u l-iffinanzjar u l-amministrazjoni tal-għajnuna għandhom ikunu trasparenti.

5.   Pagamenti diretti lill-produtturi

Appoġġ provdut permezz ta' pagamenti diretti (jew introjtu kkunsidrat bħala ineżiġibbli, inklużi pagamenti in natura) lill-produtturi li għalih l-eżenzjoni, kif mitluba, minn impenji ta' tnaqqis, għandha tissodisfa l-kriterji bażiċi stabbiliti fil-punt 1, kif ukoll kriterji speċifiċi li japplikaw għal tipi individwali ta' pagament dirett kif stabbilit fil-punti 6 sa 13. Fejn tintalab eżenzjoni minn tnaqqis għal kwalunkwe tip eżistenti jew ġdid ta' pagament dirett barra dawk speċifikati fil-punti 6 sa 13, din għandha tkun konformi mal-kriterji stabbiliti fil-punti 6(b) sa (e), minbarra l-kriterji ġenerali stabbiliti fil-punt 1.

6.   Appoġġ għal dħul separat

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata permezz ta' kriterji definiti b'mod ċar bħal dħul, status bħala produttur jew sid l-art, użu fattorjali jew livell ta' produzzjoni f'perjodu ta' żmien bażiku li jkun definit u fiss.

(b)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ibbażat fuq, it-tip jew il-volum tal-produzzjoni (inklużi unitajiet ta' annimali ħajjin) li ssir mill-produttur fi kwalunkwe sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku.

(c)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ibbażat fuq, il-prezzijiet, domestiċi jew internazzjonali, li jkunu applikabbli għal xi produzzjoni magħmula matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku.

(d)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandu jkollu ebda relazzjoni ma', jew ikun ibbażat fuq, il-fatturi tal-produzzjoni użati matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku.

(e)

M'għandha tkun meħtieġa ebda produzzjoni għar-riċezzjoni ta' tali pagamenti.

7.   Parteċipazzjoni finanzjarja governattiva f'assigurazzjoni tad-dħul u programmi għas-sigurtà tad-dħul

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata b'telf fid-dħul, wara li jittieħed kont biss tad-dħul derivat mill-agrikoltura, li jeċċedi 30 % tal-medja tad-dħul globali jew l-ekwivalenti f'termini ta' dħul nett (eskluż kwalunkwe pagamenti mill-istess skema jew minn skemi simili) matul il-perjodu preċedenti ta' tliet snin jew il-medja ta' tliet snin ibbażata fuq il-perjodu preċedenti ta' ħames snin, eskluż l-għola u l-anqas entrata. Kull produttur li jissodisfa din il-kondizzjoni għandu jkun eliġibbli biex jirċievi l-pagamenti.

(b)

L-ammont ta' tali pagamenti għandu jikkompensa għal anqas minn 70 % tat-telf fid-dħul tal-produttur fis-sena li l-produttur isir eliġibbli li jirċievi din l-għajnuna.

(c)

L-ammont ta' kwalunkwe tali pagament għandu jkun relatat biss ma' dħul; m'għandux ikun relatat mat-tip jew il-volum tal-produzzjoni (inklużi unitajiet ta' annimali ħajjin) li ssir mill-produttur; jew mal-prezzijiet, domestiċi jew internazzjonali, li japplikaw għal tali produzzjoni; jew għall-fatturi tal-produzzjoni użati.

(d)

Fejn produttur jirċievi pagamenti matul l-istess sena taħt dan il-puntu u taħt il-punt 8 (għajnuna ta' solliev minn diżastri naturali), it-total ta' tali pagamenti għandu jkun inqas minn 100 % tat-telf totali tal-produttur.

8.   Pagamenti (magħmula direttament jew permezz ta' parteċipazzjoni finanzjarja governattiva fi skemi ta' assigurazzjoni tal-uċuħ tar-raba') għal għajnuna ta' solliev minn diżastri naturali

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tirriżulta biss wara rikonoxximent formali mill-awtoritajiet governattivi li seħħ jew li jkun qed iseħħ diżastru naturali jew diżastru simili (inkluż it-tixrid ta' mard, infestazzjoni pestifera insetti, inċidenti nukleari, u gwerra fit-territorju tal-Membru kkonċernat); u għandha tkun determinata b'telf fil-produzzjoni li jaqbeż it-30 % tal-medja tal-produzzjoni matul il-perjodu preċedenti ta' tliet snin jew il-medja ta' tliet snin ibbażata fuq il-perjodu preċedenti ta' ħames snin, esklużi l-ogħla u l-anqas entrata.

(b)

Il-pagamenti li jsiru wara diżastru għandhom jiġu applikati biss fir-rigward ta' telf ta' dħul, annimali ħajjin (inklużi pagamenti relatati mat-trattament veterinarju tal-annimali), art jew fatturi oħra tal-produzzjoni kawżati mid-diżastru naturali in kwistjoni.

(c)

Il-pagamenti għandhom jikkumpensaw għal mhux aktar mill-ispiża totali għall-bdil ta' dak it-telf u m'għandhomx jeħtieġu jew jispeċifikaw it-tip jew kwantità ta' produzzjoni futura.

(d)

Il-pagamenti magħmula matul diżastru m'għandhomx jeċċedu l-livell meħtieġ biex ikun impedut jew imnaqqas aktar telf kif definit fil-kriterju stabbilit fil-punt (b).

(e)

Fejn produttur jirċievi pagamenti matul l-istess sena taħt dan il-punt u taħt il-punt 7 (programmi ta' assigurazzjoni tad-dħul u sigurtà fuq id-dħul), it-total ta' tali pagamenti għandu jkun anqas minn 100 % tat-telf totali tal-produttur.

9.   Assistenza għal aġġustament strutturali provduta permezz ta' programmi għall-irtirar ta' produtturi

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata b'referenza għal kriterji definiti b'mod ċar fi programmi mfassla biex jiffaċilitaw l-irtirar mix-xogħol ta' persuni li jaħdmu fil-produzzjoni agrikola kummerċjabbli, jew li jbiddlu għal attivitajiet mhux agrikoli.

(b)

Il-pagamenti għandhom isiru bil-kondizzjoni li r-reċipjenti jirtiraw mix-xogħol b'mod totali u permanenti mill-produzzjoni agrikola kummerċjabbli.

10.   Assistenza għal aġġustament strutturali provduta permezz ta' programmi għall-irtirar ta' riżorsi

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata b'referenza għal kriterji definiti b'mod ċar fi programmi mfassla għat-tneħħija tal-art u ta' riżorsi oħra, inklużi annimali ħajjin, mill-produzzjoni agrikola kummerċjabbli.

(b)

Il-pagamenti għandhom isiru bil-kondizzjoni tal-irtirar tal-art mill-produzzjoni agrikola kummerċjabbli għal minimu ta' tliet snin, u fil-każ ta' annimali ħajjin, fuq il-qatla tagħhom jew it-tneħħija tagħhom fuq bażi permanenti u definittiva.

(c)

Il-pagamenti m'għandhomx jeħtieġu jew jispeċifikaw xi użu alternattiv għal dik l-art jew kwalunkwe riżorsa oħra li jinvolvu l-produzzjoni ta' prodotti agrikoli li jistgħu jitqiegħdu fis-suq.

(d)

Il-pagamenti m'għandhomx ikunu relatati la mat-tip u lanqas mal-kwantità tal-produzzjoni jew relatati mal-prezzijiet, domestiċi jew internazzjonali, li jkunu japplikaw għall-produzzjoni li ssir bl-użu tal-art jew kwalunkwe riżorsa oħra li jkunu għadhom fil-produzzjoni.

11.   Assistenza għal aġġustament strutturali provduta permezz ta' għajnuna fl-investiment

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata b'referenza għal kriterji definiti b'mod ċar fi programmi governattivi mfassla biex jgħinu r-ristrutturazzjoni finanzjarja jew fiżika tal-operat ta' produttur b'risposta għal żvantaġġi strutturali murija b'oġġettività. L-eliġibbiltà għal tali programmi tista' wkoll tkun ibbażata fuq programm governattiv definit b'mod ċar għall-privatizzazzjoni mill-ġdid ta' art agrikola.

(b)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ikun ibbażat fuq, it-tip jew il-volum tal-produzzjoni (inklużi unitajiet ta' annimali ħajjin) li ssir mill-produttur matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku barra minn dak previst taħt il-kriterju (e).

(c)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ikun ibbażat fuq, il-prezzijiet, domestiċi jew internazzjonali, li japplikaw għal xi produzzjoni li ssir matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku.

(d)

Il-pagamenti għandhom jingħataw biss għall-perjodu ta' żmien meħtieġ sabiex jitwettaq l-investiment li għalih ikunu ġew provduti.

(e)

Il-pagamenti m'għandhomx jawtorizzaw jew b'xi mod jiddenominaw, il-prodotti agrikoli li jkunu sejrin jiġu prodotti mir-reċipjenti ħlief sabiex dawn ikunu meħtieġa li ma jipproduċux xi prodott partikolari.

(f)

Il-pagamenti għandhom ikunu limitati għall-ammont meħtieġ biex jikkumpensa għall-iżvantaġġ strutturali.

12.   Pagamenti taħt programmi ambjentali

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun determinata bħala parti minn programm ambjentali jew ta' konservazzjoni governattiv definit b'mod ċar u tkun dipendenti fuq l-adempiment ta' kondizzjonijiet speċifiċi taħt il-programm governattiv, inklużi kondizzjonijiet relatati ma' metodi jew inputs ta' produzzjoni.

(b)

L-ammont ta' pagament għandu jkun limitat għall-ispejjeż żejda jew għat-telf ta' dħul involuti fl-adempiment mal-programm governattiv.

13.   Pagamenti taħt programmi ta' assistenza reġjonali

(a)

L-eliġibbiltà għal tali pagamenti għandha tkun limitata għal produtturi f'reġjuni żvantaġġati. Kull wieħed minn tali reġjuni għandu jkun żona ġeografika kontigwa denominata b'mod ċar b'identità ekonomika u amministrattiva definibbli, meqjusa bħala żvantaġġata fuq il-bażi ta' kriterji newtrali u oġġettivi stabbiliti b'mod ċar f'liġi jew regolament u li jindikaw li d-diffikultajiet tar-reġjun joriġinaw minn ċirkostanzi li jkunu aktar milli temporanji.

(b)

L-ammont ta' tali pagamenti matul sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ibbażat fuq, it-tip jew il-volum tal-produzzjoni (inklużi unitajiet ta' annimali ħajjin) li ssir mill-produttur matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku ħlief sabiex titnaqqas dik il-produzzjoni.

(c)

L-ammont ta' tali pagamenti matul kwalunkwe sena partikolari m'għandux ikun relatat ma', jew ibbażat fuq, il-prezzijiet, domestiċi jew internazzjonali, li japplikaw għal kwalunkwe produzzjoni li ssir matul xi sena wara l-perjodu ta' żmien bażiku.

(d)

Il-pagamenti għandhom ikunu disponibbli biss lil produtturi fir-reġjuni eliġibbli, iżda ġeneralment disponibbli lill-produtturi kollha f'dawk ir-reġjuni.

(e)

Fejn ikunu relatati ma' fatturi ta' produzzjoni, il-pagamenti għandhom isiru f'rata digressiva 'il fuq minn livell ta' limitu tal-fattur konċernat.

(f)

Il-pagamenti għandhom ikunu limitati għall-ispejjeż żejda jew għat-telf ta' dħul involuti fil-produzzjoni agrikola li ssir fiż-żona stabbilita.


(1)  Għall-iskop tal-punt 3 ta' dan l-Anness, programmi governattivi ta' stockholding għal skopijiet ta' sigurtà tal-ikel f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-operazzjoni tagħhom hija trasparenti u mmexxija skont kriterji jew linji gwida oġġettivi uffiċjalment ippubblikati għandhom jitqiesu bħala konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-punt, inklużi programmi li taħthom ħażniet ta' prodotti tal-ikel għal skopijiet ta' sigurtà tal-ikel huma akkwistati u rilaxxati bi prezzijiet amministrati, sakemm jittieħed kont fl-AMS tad-differenza bejn il-prezz ta' akkwist u l-prezz estern ta' referenza.

(2)  Għall-iskopijiet tal-punti 3 u 4 ta' dan l-Anness, il-provvista ta' prodotti tal-ikel bi prezzijiet sussidjati bl-objettiv li jiġu sodisfatti ħtiġijiet tal-ikel ta' foqra urbani u rurali f'pajjiżi li qed jiżviluppaw fuq bażi regolari bi prezzijiet raġonevoli għandhom jitqiesu bħala konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-punt.


ANNESS V

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-EMENDA TIEGĦU

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009

(ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 18 tal-Anness biss


ANNESS VI

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 597/2009

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 11

Artikoli 1 sa 11

Artikolu 12(1) sa (4)

Artikolu 12(1) sa (4)

Artikolu 12(6)

Artikolu 12(5)

Artikoli 13 u 14

Artikoli 13 u 14

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(1)

Artikolu 15(2), l-ewwel sentenza

Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 15(2), it-tieni sentenza

Artikolu 15(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 15(3)

Artikolu 15(3)

Artikoli 16 sa 27

Artikoli 16 sa 27

Artikolu 28(1) sa (4)

Artikolu 28(1) sa (4)

Artikolu 28(5), l-ewwel sentenza

Artikolu 28(5), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 28(5), it-tieni sentenza

Artikolu 28(5), it-tieni subparagrafu

Artikolu 28(6)

Artikolu 28(6)

Artikoli 29 sa 33

Artikoli 29 sa 33

Artikolu 33a

Artikolu 34

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 35

Artikolu 36

Annessi I sa IV

Annessi I sa IV

Anness V

Anness VI

Anness V

Anness VI