ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 157

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
15 ta' Ġunju 2016


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/944 tas-6 ta' Ġunju 2016 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

19

 

 

REGOLAMENTI

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/945 tat-14 ta' Ġunju 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

21

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/946 tad-9 ta' Ġunju 2016 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja

23

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/947 tal-14 ta' Ġunju 2016 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) ( 2 )

26

 

*

Deċiżjoni (UE) 2016/948 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16)

28

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenzagħall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) ( ĠU L 138, 24.5.2013 )

33

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

 

(2)   Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/1


DIRETTIVA (UE) 2016/943 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Ġunju 2016

dwar il-protezzjoni ta' konoxxenza u ta' informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

In-negozji u l-istituzzjonijiet ta' riċerka mhux kummerċjali jinvestu fil-ksib, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tal-konoxxenza u l-informazzjoni, li hija l-ingredjent ewlieni tal-ekonomija tal-għarfien u tagħti vantaġġ kompetittiv. Dan l-investiment fil-ġenerazzjoni u l-applikazzjoni ta' kapital intellettwali huwa fattur determinanti fir-rigward tal-kompetittività u l-prestazzjoni relatata mal-innovazzjoni tagħhom fis-suq u għalhekk il-qligħ tagħhom mill-investiment, li huwa l-motivazzjoni fil-bażi tar-riċerka u l-iżvilupp tan-negozju. In-negozji jirrikorru għal mezzi differenti biex jadattaw ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-innovazzjoni tagħhom meta il-ftuħ ma jippermettix l-isfruttament sħiħ tal-investiment tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni. L-użu ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali bħal privattivi, drittijiet ta' disinn jew drittijiet tal-awtur huwa waħda minn tali mezzi. Mezz ieħor għall-ksib tar-riżultati tal-innovazzjoni huwa l-protezzjoni tal-aċċess u l-isfruttament tal-għarfien li huma ta' valur għall-entità u mhux magħrufa ħafna. Tali konoxxenza u informazzjoni kummerċjali ta' valur, li tinżamm mistura u bl-intenzjoni li tibqa' kunfidenzjali tissejjaħ sigriet kummerċjali.

(2)

In-negozji, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jagħtu valur lis-sigrieti kummerċjali daqs il-privattivi u forom oħra ta' dritt ta' proprjetà intellettwali. Huma jużaw il-kunfidenzjalità bħala għodda ta' ġestjoni tal-innovazzjoni u l-kompetittività tan-negozju u r-riċerka, u rigward firxa diversa ta' informazzjoni, li testendi lil hinn mit-tagħrif teknoloġiku għal data kummerċjali bħal informazzjoni fuq il-konsumaturi u l-fornituri, il-pjanijiet tan-negozju, u r-riċerka u l-istrateġiji tas-suq. L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jagħtu iktar valur lis-sigrieti kummerċjali u jiddependu iktar fuqhom. Bil-protezzjoni ta' tali firxa wiesgħa ta' konoxxenza u informazzjoni kummerċjali, kemm bħala ħaġa komplementari jew bħala alternattiva għad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, is-sigrieti kummerċjali jippermettu lill-kreaturi u lill-innovaturi jiksbu profitt mill-ħolqien jew l-innovazzjoni tagħhom u, għalhekk, huma partikolarment importanti għall-kompetittività tan-negozju kif ukoll għar-riċerka u l-iżvilupp u l-prestazzjoni relatata mal-innovazzjoni.

(3)

L-innovazzjoni miftuħa hija katalist għal ideat ġodda li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-konsumaturi u jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà, u tgħin lil dawk l-ideatisibu triqthom lejn is-suq. Tali innovazzjoni hija lieva importanti għall-ħolqien ta' għarfien ġdid u tirfed l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju ġodda u innovattivi bbażati fuq l-użu ta' għarfien maħluq b'mod konġunt. Ir-riċerka kollaborattiva, inkluża l-kooperazzjoni transkonfinali, hija partikolarment importanti biex iżżid il-livelli ta' riċerka u żvilupp tan-negozju fi ħdan is-suq intern. Id-disseminazzjoni tal-għarfien u l-informazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li hija essenzjali sabiex jiġu żgurati opportunitajiet ta' żvilupp għan-negozju li jkunu dinamiċi, pożittivi u ugwali, b'mod partikolari għall-SMEs. F'suq intern fejn l-ostakli għall-kollaborazzjoni transkonfinali huma minimizzati u fejn il-kooperazzjoni ma tiġix distorta, il-kreazzjoni intellettwali u l-innovazzjoni għandhom iħeġġu investiment fi proċessi, servizzi u prodotti innovattivi. Tali ambjent li jwassal għall-kreazzjoni intellettwali u l-innovazzjoni, u fejn il-mobilità tal-impjieg mhijiex ostakolata, huwa importanti wkoll għat-tkabbir fl-impjiegi u għat-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sigrieti kummerċjali għandhom rwol importanti fil-protezzjoni tal-iskambju tal-għarfien bejn in-negozji, inklużi b'mod partikolari l-SMEs, u l-istituzzjonijiet ta' riċerka kemm fi ħdan kif ukoll bejn il-fruntieri tas-suq intern, fil-kuntest tar-riċerka u l-iżvilupp, u l-innovazzjoni. Is-sigrieti kummerċjali huma fost l-aktar forma użata ta' protezzjoni tal-kreazzjoni intellettwali u tal-konoxxenza innovattiva min-negozji, iżda huma fl-istess ħin l-inqas protetti mill-qafas legali tal-Unjoni eżistenti kontra l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali minn partijiet oħra.

(4)

In-negozji innovattivi huma dejjem aktar esposti għal prattiki qarrieqa bil-għan li jużaw b'mod qarrieq sigrieti kummerċjali, bħal serq, ikkupjar mhux awtorizzat, spjunaġġ ekonomiku jew il-ksur tar-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità, kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra l-Unjoni. Żviluppi reċenti, bħalma huma l-globalizzazzjoni, iż-żieda fl-esternalizzazzjoni, perijodi itwal ta' katini tal-provvista u ż-żieda fl-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, jikkontribwixxu biex jiżdied ir-riskju ta' dawk il-prattiki. Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali jikkompromettu l-abbiltà leġittima tad-detenturi tas-sigriet kummerċjali li jiksbu redditu tal-prekursur mill-isforzi tagħhom relatati mal-innovazzjoni. Mingħajr mezzi legali effettivi u komparabbli biex jipproteġu s-sigrieti kummerċjali madwar l-Unjoni, huma mhedda l-inċentivi biex wieħed jinvolvi ruħu f'attività transkonfinali relatata mal-innovazzjoni fi ħdan is-suq intern u s-sigrieti kummerċjali ma humiex f'pożizzjoni li jilħqu l-potenzjal tagħhom bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Għalhekk, l-innovazzjoni u l-kreattività huma skoraġġiti u l-investiment jonqos, u dan jaffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u jimmina l-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ it-tkabbir.

(5)

L-isforzi internazzjonali magħmula fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tiġi indirizzata din il-problema wasslu għall-konklużjoni tal-Ftehim dwar l-Aspetti Relatati mal-Kummerċ tal-Proprjetà Intellettwali (il-Ftehim TRIPS). Il-Ftehim TRIPS jinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kontra l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħhom minn partijiet terzi, li huma standards internazzjonali komuni. L-Istati Membri kollha, kif ukoll l-Unjoni nnifisha, huma marbuta b'dan il-Ftehim li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (3).

(6)

Minkejja l-Ftehim TRIPS, hemm differenzi importanti fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali kontra l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħhom minn persuni oħra. Pereżempju, mhux l-Istati Membri kollha adottaw definizzjonijiet nazzjonali tas-sigrieti kummerċjali jew il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, għalhekk l-għarfien dwar l-iskop tal-protezzjoni mhuwiex faċilment aċċessibbli u dak l-iskop huwa differenti madwar l-Istati Membri. Barra minn hekk, ma hemmx konsistenza fir-rigward tar-rimedji disponibbli tal-liġi ċivili fil-każ tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali u l-ordnijiet ta' waqfien u ebda tkomplija mhux dejjem ikunu disponibbli fl-Istati Membri kollha kontra partijiet terzi li ma jkunux kompetituri tad-detentur leġittimu tas-sigriet kummerċjali. Id-diverġenzi jeżistu wkoll madwar l-Istati Membri fir-rigward tat-trattament ta' parti terza li kisbet sigriet kummerċjali in bona fede iżda sussegwentement tiskopri, waqt l-użu, li l-ksib ġie minn ksib illegali preċedenti ta' parti oħra.

(7)

Ir-regoli nazzjonali jvarjaw ukoll dwar jekk id-detenturi leġittimi ta' sigriet kummerċjali jistgħux ifittxu l-qerda ta' oġġetti prodotti minn partijiet terzi li jużaw illegalment sigrieti kummerċjali jew ir-ritorn jew il-qerda ta' kwalunkwe dokumenti, fajls jew materjal li jkun fihom jew li jinkorporaw il-ksib jew l-użu illegali tas-sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, ir-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-kalkolu ta' danni mhux dejjem iqisu n-natura intanġibbli tas-sigrieti kummerċjali, li jagħmilha diffiċli biex wieħed juri l-profitti attwali mitlufa jew l-arrikkiment inġust tal-kontraventur fejn ebda valur fis-suq jista' jiġi stabbilit għall-informazzjoni inkwistjoni. Ftit Stati Membri biss jippermettu l-applikazzjoni ta' regoli astratti dwar il-kalkolu tad-danni abbażi ta' royalty jew miżata raġonevoli li setgħet kienet dovuta li kieku kienet teżisti liċenzja għall-użu tas-sigriet kummerċjali. Barra minn hekk, diversi regoli nazzjonali ma jipprevedux protezzjoni adegwata tal-kunfidenzjalità tas-sigriet kummerċjali fejn id-detentur tas-sigriet kummerċjali jintroduċi pretensjoni għal allegat ksib, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali minn parti terza, u b'hekk titnaqqas l-attrazzjoni tal-miżuri u r-rimedji eżistenti u tiddgħajjef il-protezzjoni offruta.

(8)

Id-differenzi fil-protezzjoni legali tas-sigrieti kummerċjali previsti mill-Istati Membri jimplikaw li s-sigrieti kummerċjali ma jgawdux livell ekwivalenti ta' protezzjoni madwar l-Unjoni, ħaġa li twassal għal frammentazzjoni tas-suq intern f'dan il-qasam u li jdgħajjef b'mod ġenerali l-effett dissważiv tar-regoli rilevanti. Is-suq intern huwa affettwat sa fejn u sakemm dawn id-differenzi jnaqqsu l-inċentivi għan-negozji li jidħlu għal attività ekonomika transkonfinali relatata mal-innovazzjoni, inkluża kooperazzjoni ta' riċerka jew produzzjoni ma' imsieħba, esternalizzazzjoni jew investiment fi Stati Membri oħra, li jiddependu mill-użu ta' informazzjoni protetta bħala sigriet kummerċjali. Riċerka u żvilupp transkonfinali kif ukoll attivitajiet relatati mal-innovazzjoni, inkluż kummerċ relatat mal-produzzjoni u sussegwentement ta' natura transkonfinali, ser jsiru anqas attraenti u aktar diffiċli fl-Unjoni, u b'hekk naslu għal ineffiċjenzi relatati mal-innovazzjoni madwar l-Unjoni.

(9)

Barra minn hekk, jidher riskju akbar għan-negozji fi Stati Membri b'livelli komparattivament iktar baxxi ta' protezzjoni, minħabba l-fatt li s-sigrieti kummerċjali jistgħu jinsterqu jew miksuba b'xi mod ieħor illegali ieħor iktar faċilment. Dan iwassal għal allokazzjoni ineffiċjenti tal-kapital għal innovazzjoni li ssaħħaħ it-tkabbir fi ħdan is-suq intern minħabba n-nefqa akbar fuq miżuri protettivi li jikkumpensaw għan-nuqqas ta' protezzjoni legali insuffiċjenti f'xi Stati Membri. Dan jiffavorixxi wkoll attività ta' kompetituri inġusti li, wara l-ksib illegali tas-sigrieti kummerċjali, jistgħu jifirxu l-oġġetti li jirriżultaw minn tali ksib fis-suq intern kollu. Differenzi fir-reġimi leġiżlattivi jiffaċilitaw ukoll l-importazzjoni ta' oġġetti minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni permezz ta' punti ta' dħul bi protezzjoni aktar dgħajfa, meta d-disinn, il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' dawk l-oġġetti jiddependu fuq sigrieti kummerċjali misruqa jew miksuba illegalment b'mod ieħor. B'mod ġenerali, dawn id-differenzi jfixklu l-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(10)

Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal regoli fil-livell tal-Unjoni biex issir l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li jkun hemm livell suffiċjenti u konsistenti ta' rimedji ċivili fis-suq intern f'każ ta' ksib, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. Dawk ir-regoli għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprovdu protezzjoni aktar estensivi kontra l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigrieti kummerċjali dment li s-salvagwardji previsti b'mod espliċitu f'din id-Direttiva jipproteġu l-interessi ta' partijiet oħra jiġu rispettati.

(11)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu l-iżvelar ta' informazzjoni, inklużi sigrieti kummerċjali, lill-pubbliku jew lil awtoritajiet pubbliċi. Lanqas m'għandha taffettwa l-applikazzjoni ta' regoli li jippermettu lill-awtoritajiet pubbliċi jiġbru informazzjoni għall-qadi ta' dmirijiethom, jew regoli li jippermettu jew jeħtieġu kwalunkwe żvelar sussegwenti minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi ta' informazzjoni rilevanti lill-pubbliku. Tali regoli jinkludu, b'mod partikolari, regoli dwar l-iżvelar mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali ta' informazzjoni relatata man-negozju li jkollhom skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u d-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), jew skont regoli oħra dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti jew dwar l-obbligi ta' trasparenza tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali.

(12)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt ta' sħab soċjali li jidħlu fi ftehimiet kollettivi, fejn previst skont il-liġi tax-xogħol, fir-rigward ta' kwalunkwe obbligu li ma jiżvelawx sigriet kummerċjali jew li jillimitaw l-użu tiegħu, u l-konsegwenzi għall-ksur ta' tali obbligu mill-parti soġġetta għaliha. Dan bil-kondizzjoni li kwalunkwe tali ftehim kollettiv ma jkunx jirrestrinġi l-eċċezzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva meta applikazzjoni għal miżuri, proċeduri jew rimedji previsti f'din id-Direttiva għal ksib, użu jew żvelar allegat ta' sigriet kummerċjali għandha tiġi miċħuda.

(13)

Din id-Direttiva m'għandhiex tinftiehem li tirrestrinġi l-libertà tal-istabbiliment, il-moviment liberu tal-ħaddiema jew il-mobilità tal-ħaddiema kif previst fil-liġi tal-Unjoni. Din mhijiex lanqas maħsuba biex taffettwa l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet ta' nonkompetizzjoni bejn l-impjegaturi u l-impjegati, f'konformità ma' liġi applikabbli.

(14)

Huwa importanti li wieħed jistabbilixxi definizzjoni omoġenea ta' sigriet kummerċjali mingħajr ma jirrestrinġi s-suġġett inkwistjoni għal protezzjoni kontra l-misapproprjazzjoni. Din id-definizzjoni għandha għalhekk tiġi mibnija b'tali mod li tkopri l-konoxxenza, l-informazzjoni kummerċjali, u informazzjoni teknoloġika fejn hemm kemm interess leġittimu li jinżammu kunfidenzjalità kif ukoll aspettattiva leġittima li tali kunfidenzjalità ser tiġi ppreservata. Barra minn hekk, tali konoxxenza jew informazzjoni għandu jkollha valur kummerċjali, kemm jekk attwali jew inkella potenzjali. Tali konoxxenza jew informazzjoni għandha titqies li għandha valur kummerċjali, pereżempju, fejn il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tagħha x'aktarx jagħmel ħsara lill-interessi tal-persuna li legalment tikkontrollaha, billi jipperikola l-potenzjal xjentifiku u tekniku ta' dik il-persuna, in-negozju jew l-interessi finanzjarji tagħha, il-pożizzjonijiet strateġiċi jew il-kapaċità tagħha li tikkompeti. Id-definizzjoni ta' sigriet kummerċjali teskludi informazzjoni trivjali u l-esperjenza u l-ħiliet miksuba mill-impjegati fil-kors normali tal-impjieg tagħhom, u teskludi wkoll l-informazzjoni li ġeneralment hija magħrufa, jew hija aċċessibbli faċilment għal persuni li ġeneralment jittrattaw dan it-tip ta' informazzjoni.

(15)

Huwa importanti wkoll li jiġu identifikati ċ-ċirkostanzi li fihom il-protezzjoni legali tas-sigrieti kummerċjali hija ġġustifikata. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti kondotta u prattiki li għandhom jitqiesu bħala ksib, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali.

(16)

Fl-interess tal-innovazzjoni u biex titrawwem il-kompetizzjoni, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhom joħolqu ebda dritt esklużiv għal konoxxenza jew informazzjoni protetta bħala sigriet kummerċjali. B'hekk, l-iskoperta indipendenti ta' din l-istess konoxxenza jew informazzjoni għandha tibqa' possibbli. Id-dekompilazzjoni ta' prodott miksub legalment għandha titqies bħala mezz legali kif tinkiseb l-informazzjoni, ħlief meta jkun miftiehem mod ieħor permezz ta' kuntratt. Il-libertà li wieħed jagħmel arranġamenti kuntrattwali bħal dawn tista', madankollu, tkun limitata bil-liġi.

(17)

F'ċerti setturi tal-industrija, fejn kreaturi u innovaturi ma jistgħux jibbenefikaw minn drittijiet esklużivi u fejn l-innovazzjoni tradizzjonalment tiddependi fuq sigrieti kummerċjali, illum il-ġurnata l-prodotti jistgħu faċilment jiġu dekompilati ladarba jkunu fis-suq. F'dawn il-każijiet, dawn il-kreaturi u l-innovaturi jistgħu jkunu vittmi ta' prattiki bħall-ikkupjar parassitiku jew imitazzjonijiet perfetti li jieħdu vantaġġ skorrett mir-reputazzjoni u l-isforzi tal-innovazzjoni tagħhom. Xi liġijiet nazzjonali li jittrattaw il-kompetizzjoni inġusta jindirizzaw dawn il-prattiki. Filwaqt li din id-Direttiva m'għandhiex l-għan li tirriforma jew tarmonizza l-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta b'mod ġenerali, ikun xieraq li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa l-bżonn ta' azzjoni tal-Unjoni f'dak il-qasam.

(18)

Barra minn hekk, il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali, kull meta imposti jew permessi mil-liġi, għandu jiġi ttrattat bħala legali għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Dan jikkonċerna, b'mod partikolari, il-ksib u l-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għall-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali, u d-difiża kollettiva tal-interessi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem, inkluża l-kodeterminazzjoni, kif ukoll il-ksib jew l-iżvelar ta' sigrieti kummerċjali fil-kuntest ta' awditi statutorji mwettqa f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Madankollu, tali trattament tal-ksib ta' sigriet kummerċjali jitqies bħala legali għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu ta' kunfidenzjalità fir-rigward tas-sigriet kummerċjali jew kwalunkwe limitazzjoni dwar l-użu tiegħu li l-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali timponi fuq id-destinatarju jew l-akkwirent tal-informazzjoni. B'mod partikolari, din id-Direttiva m'għandhiex teżenta lill-awtoritajiet pubbliċi mill-obbligi ta' kunfidenzjalità li huma soġġetti għalihom f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni mgħoddija mid-detenturi ta' sigrieti kummerċjali, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligi humiex stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali. Tali obbligi ta' kunfidenzjalità jinkludu, fost l-oħrajn, l-obbligi rigward informazzjoni mgħoddija lill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-proċeduri ta' akkwist, kif stabbiliti, pereżempju, fid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u fid-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(19)

Filwaqt li din id-Direttiva tipprevedi miżuri u rimedji li jistgħu jikkonsistu fil-prevenzjoni tal-iżvelar ta' informazzjoni sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta' sigrieti kummerċjali, huwa essenzjali li l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni li tinkludi l-libertà u l-pluraliżmu, tal-mezzi tal-informazzjoni kif rifless fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), ma jiġix ristrett, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-ġurnaliżmu investigattiv u l-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti.

(20)

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji li huma previsti f'din id-Direttiva m'għandhomx jirrestrinġu attività ta' żvelar ta' informazzjoni protetta (whistleblowing). Għalhekk, il-protezzjoni ta' sigrieti kummerċjali m'għandhiex tiġi estiża għal każijiet fejn l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali jservi l-interess pubbliku, sakemm tiġi żvelata kondotta ħażina, għemil ħażin jew attività illegali li tkun rilevanti b'mod dirett. Dan m'għandux jitqies li jipprevjeni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti milli jippermettu eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta' miżuri, proċeduri u rimedji f'każ fejn l-intimat kellu r-raġunijiet kollha biex jemmen in bona fide li l-kondotta tiegħu ssodisfat il-kriterji xierqa stabbiliti f'din id-Direttiva.

(21)

F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji maħsuba biex jipproteġu s-sigrieti kummerċjali għandhom ikunu mfassla sabiex jissodisfaw l-objettiv tal-funzjonament tas-suq intern bla xkiel għar-riċerka u l-innovazzjoni, b'mod partikolari billi jkunu ta' deterrent kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. Dan it-tfassil immirat ta' miżuri, proċeduri u rimedji m'għandux jipperikola jew idgħajjef id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jew l-interess pubbliku, bħas-sikurezza pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-protezzjoni ambjentali, u għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-mobilità tal-ħaddiema. F'dan ir-rigward, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Direttiva huma mmirati li jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jieħdu kont ta' fatturi bħall-valur ta' sigriet kummerċjali, is-serjetà tal-kondotta li tirriżulta fil-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali u l-impatt ta' kondotta bħal din. Għandu jiġi żgurat ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkollhom id-diskrezzjoni li jiżnu l-interessi tal-partijiet involuti fil-proċedimenti legali, kif ukoll l-interessi ta' partijiet terzi inkluż, fejn xieraq, il-konsumaturi.

(22)

Il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jiddgħajjef jekk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti jintużaw biex jintlaħqu għanijiet illeġittimi inkompatibbli mal-objettivi ta' din id-Direttiva. Għalhekk, huwa importanti li l-awtoritajiet ġudizzjarji jingħataw is-setgħa li jadottaw miżuri adegwati fir-rigward ta' applikanti li jaġixxu b'mod abbużiv jew in mala fede u jippreżentaw b'mod evidenti applikazzjonijiet li jidhru li huma bla bażi, pereżempju, l-iskop li jiddewwem jew jiġi ristrett b'mod inġust l-aċċess tal-intimat għas-suq jew inkella jiġi intimidat jew immolestat l-intimat.

(23)

Fl-interess taċ-ċertezza legali u meta wieħed iqis li d-detenturi leġittimi tas-sigrieti kummerċjali huma mistennija jeżerċitaw id-dmir li joqgħodu attenti fir-rigward tal-preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali siewja tagħhom u l-monitoraġġ tal-użu tagħhom, huwa xieraq li wieħed jirrestrinġi talbiet sostantivi jew il-possibbiltà li jinbdew azzjonijiet għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali għal perijodu limitat. Il-liġi nazzjonali għandha tispeċifika wkoll, b'mod ċar u mhux ambigwu, minn meta jibda dan il-perijodu u taħt liema ċirkostanzi dak il-perijodu għandu jiġi interrott jew sospiż.

(24)

Il-prospett li jitilfu l-kunfidenzjalità ta' sigriet kummerċjali matul il-proċeduri legali spiss jiskoraġġixxi lid-detenturi leġittimi tas-sigriet kummerċjali milli jibdew proċedimenti legali sabiex jiddefendu s-sigrieti kummerċjali tagħhom, u dan jipperikola l-effikaċja tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti, soġġett għal salvagwardji xierqa li jiżguraw id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, rekwiżiti speċifiċi bil-għan li jipproteġu l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali li jitressqu fil-kors ta' proċedimenti legali istitwiti għad-difiża tiegħu. Protezzjoni bħal din għandha tibqa' fis-seħħ wara li jintemmu l-proċedimenti legali u għat-tul ta' żmien li fih l-informazzjoni li tikkostitwixxi s-sigriet kummerċjali ma tkunx fl-isfera pubblika.

(25)

Tali rekwiżiti għandhom jinkludu, bħala minimu, il-possibbiltà li jiġi ristrett iċ-ċirku ta' persuni intitolati li jkollhom l-aċċess għall-evidenza jew is-smigħ, filwaqt li jitqies li dawk il-persuni kollha għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' kunfidenzjalità stabbiliti f'din id-Direttiva, u li jippubblikaw biss l-elementi mhux kunfidenzjali ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji. F'dan il-kuntest, meta jitqies li l-valutazzjoni tan-natura tal-informazzjoni li tkun is-suġġett ta' tilwima hija waħda mill-għanijiet prinċipali tal-proċedimenti legali, huwa partikolarment importanti li jiġu żgurati kemm il-protezzjoni effettiva tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali kif ukoll ir-rispett għad-dritt tal-partijiet għal dawk il-proċedimenti għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali. Iċ-ċirku ristrett ta' persuni għandu għalhekk jikkonsisti minn tal-anqas persuna fiżika waħda minn kull waħda mill-partijiet, kif ukoll l-avukati rispettivi tal-partijiet u, fejn applikabbli, rappreżentanti oħra ikkwalifikati b'mod xieraq skont il-liġi nazzjonali sabiex jiddefendu, jirrappreżentaw jew jaqdu l-interessi ta' parti fi proċedimenti legali koperti minn din id-Direttiva, li kollha għandhom ikollhom aċċess sħiħ għal tali evidenza jew smigħ. F'każ li waħda mill-partijiet tkun persuna ġuridika, dik il-parti għandha tkun tista' tipproponi persuna jew persuni fiżiċi li għandhom jagħmlu parti minn dak iċ-ċirku ta' persuni sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni xierqa ta' dik il-persuna ġuridika, soġġett għal kontroll ġudizzjarju xieraq sabiex jiġi evitat li jkun mhedded l-objettiv ta' restrizzjoni tal-aċċess għall-evidenza jew is-smigħ. Tali salvagwardji m'għandhomx jinftiehmu bħala li l-partijiet huma meħtieġa jiġu rappreżentati minn avukat jew rappreżentant ieħor matul il-proċedimenti legali fejn tali rappreżentazzjoni ma tkunx meħtieġa mil-liġi nazzjonali. Dawn m'għandhomx jinftiehmu lanqas bħala li jirrestrinġi l-kompetenza tal-qrati li jiddeċiedu, f'konformità mar-regoli applikabbli u l-prattiki tal-Istat Membru kkonċernat, jekk u sa liema punt l-uffiċjali tal-qorti rilevanti għandux ikollhom ukoll aċċess sħiħ għall-evidenza u s-smigħ għat-twettiq ta' dmirijiethom.

(26)

Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali minn parti terza jista' jkollu effetti devastanti fuq id-detentur tas-sigriet leġittimu tiegħu, minħabba li ladarba jiġi żvelat pubblikament, ikun impossibbli għal dak id-detentur li jmur lura għas-sitwazzjoni ta' qabel it-telf tas-sigriet kummerċjali. Bħala riżultat, huwa essenzjali li jiġu previsti miżuri proviżorji rapidi, effettivi u aċċessibbli għat-terminazzjoni immedjata tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, inkluż meta dan jintuża għall-forniment ta' servizzi. Huwa essenzjali li tali rimedju jkun disponibbli mingħajr ma wieħed ikollu għalfejn jistenna deċiżjoni dwar il-merti tal-każ, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt tad-difiża u l-prinċipju ta' proporzjonalità, u filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tal-każ. F'ċerti każijiet, għandu jkun possibbli li l-kontraventur li allegatament wettaq il-ksur ikun permess, soġġett għall-għoti ta' garanzija waħda jew aktar, li jkompli juża sigriet kummerċjali, b'mod partikolari, fejn ftit li xejn hemm riskju li dan ser jidħol fid-dominju pubbliku. Għandu jkun possibbli wkoll li jinħtieġu garanziji ta' livell għoli biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż u l-ħsara kkawżata lill-intimat permezz ta' applikazzjoni mhux ġustifikata jistgħu jkunu meħtieġa wkoll, partikolarment fejn kull dewmien jista' jikkawża danni irreparabbli għad-detentur leġittimu ta' sigriet kummerċjali.

(27)

Għall-istess raġunijiet, huwa importanti wkoll li jiġu previsti miżuri definittivi li jipprevjenu użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, inkluż fejn dan jintuża għall-forniment ta' servizzi. Sabiex miżuri bħal dawn ikunu effettivi u proporzjonati, it-tul ta' żmien tagħhom, meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu limitazzjoni ta' żmien, għandu jkun biżżejjed biex jelimina kwalunkwe vantaġġ kummerċjali li l-parti terza setgħet tikseb mill-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. Fi kwalunkwe każ, ebda miżura ta' dan it-tip m'għandha tkun infurzabbli jekk l-informazzjoni oriġinarjament koperta mis-sigriet kummerċjali hija fid-dominju pubbliku għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat.

(28)

Huwa possibbli li sigriet kummerċjali jista' jiġi użat illegalment għad-disinn, il-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' oġġetti, jew komponenti tagħhom, li jistgħu jinfirxu mas-suq intern kollu, u b'hekk jaffettwaw l-interessi kummerċjali tad-detentur tas-sigriet kummerċjali u l-funzjonament tas-suq intern. F'każijiet bħal dawk, u meta s-sigriet kummerċjali inkwistjoni għandu impatt sinifikanti fuq il-kwalità, il-valur jew il-prezz tal-oġġetti li jirriżultaw minn dak l-użu illegali jew fuq it-tnaqqis tal-kost tal-iffaċilitar jew it-tħaffif tal-produzzjoni jew il-proċessi tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, huwa importanti li l-awtoritajiet ġudizzjarji jingħataw is-setgħa biex jordnaw miżuri effettivi u xierqa bil-ħsieb li jiżguraw li dawk il-prodotti ma jitqiegħdux fis-suq jew jitneħħew minnu. Meta tittieħed f'kunsiderazzjoni n-natura globali tal-kummerċ, huwa wkoll meħtieġ li miżuri bħal dawn jinkludu l-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' dawk l-oġġetti fl-Unjoni jew il-ħażna tagħhom għall-għoti jew it-tqegħid tagħhom fis-suq. Wara li ġie kkunsidrat il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-miżuri korrettivi m'għandhomx neċessarjament iwasslu għall-qerda tal-oġġetti jekk għażliet vijabbli oħra huma preżenti, bħal li wieħed iċaħħad lill-oġġett mill-kwalità tal-infrazzjoni tiegħu jew id-dispożizzjoni tal-oġġetti 'il barra mis-suq, pereżempju, permezz ta' donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet tal-karità.

(29)

Persuna oriġinarjament setgħet kisbet sigriet kummerċjali in bona fede iżda kien fi stadju aktar tard li saret konxja, inkluż permezz ta' avviż ippreżentat mid-detentur oriġinali tas-sigriet kummerċjali, li l-għarfien tagħha tas-sigriet kummerċjali inkwistjoni kien derivat minn sorsi li użaw jew żvelaw sigriet kummerċjali rilevanti b'tali mod li tikser il-liġi. Sabiex jiġi evitat li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, il-miżuri korrettivi jew inġunzjonijiet pprovduti jistgħu jikkawżaw dannu sproporzjonat lil dik il-persuna, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà, f'każijiet xierqa, ta' kumpens fi flus mogħtija lill-parti danneġġata bħala miżura alternattiva. Madankollu tali kumpens ma għandux jaqbeż l-ammont ta' royalties jew miżati li kienu jkunu dovuti kieku dik il-persuna kisbet awtorizzazzjoni biex tuża s-sigriet kummerċjali inkwistjoni, għall-perijodu ta' żmien li matulu l-użu tas-sigriet kummerċjali seta' ġie evitat mid-detentur oriġinali tas-sigriet kummerċjali. Madankollu, fejn l-użu illegali ta' sigriet kummerċjali jikkostitwixxi ksur tal-liġi lil hinn minn dak previst f'din id-Direttiva jew li x'aktarx ikun ta' dannu għall-konsumaturi, tali użu illegali m'għandux ikun permess.

(30)

Sabiex jiġi evitat li persuna li konxjament, jew li kellha raġunijiet serji biex tkun taf, tikseb, tuża jew tiżvela illegalment sigriet kummerċjali tkun tista' tibbenefika minn kondotta ta' dan it-tip, u biex jiġi żgurat li detentur ta' sigriet kummerċjali danneġġat, sa fejn ikun possibbli, jitqiegħed f'pożizzjoni li fiha huwa kien ikun li kieku l-kondotta ma seħħitx, huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għal kumpens adegwat għall-preġudizzju li sofra bħala riżultat ta' dik il-kondotta illegali. L-ammont ta' danni mogħtija lil detentur ta' sigriet kummerċjali danneġġat għandu jqis il-fatturi pertinenti kollha, bħal telf ta' dħul imġarrab mid-detentur ta' sigriet kummerċjali jew qligħ inġust li jkun għamel il-kontraventur u, fejn xieraq, kwalunkwe preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur ta' sigriet kummerċjali. Bħala alternattiva, pereżempju fejn, meta wieħed iqis in-natura intanġibbli tas-sigrieti kummerċjali, jkun diffiċli li wieħed jiddetermina l-ammont tal-preġudizzju attwali li ġie soffert, l-ammont tad-danni jista' joħroġ minn elementi bħar-royalties jew il-miżati li kienu jkunu dovuti kieku l-kontraventur kien talab l-awtorizzazzjoni biex juża s-sigriet kummerċjali inkwistjoni. L-għan ta' dak il-metodu alternattiv huwa li ma tiġix introdotta obbligazzjoni biex ikun ipprovdut għall-ħsara punittiva imma biex tiżgura kumpens ibbażat fuq kriterji oġġettivi waqt li tikkunsidra l-ispejjeż li jkun bata d-detentur tas-sigriet kummerċjali, bħall-ispejjeż ta' identifikazzjoni u riċerka. Din id-Direttiva m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jipprevedu fir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħhom li r-responsabbiltà għad-danni ta' impjegati tkun ristretta f'każijiet fejn huma jkunu aġixxew mingħajr intenzjoni.

(31)

Bħala deterrent supplimentari kontra l-kontraventuri futuri u biex ikun hemm kontribut għal kuxjenza tal-pubbliku ġenerali, huwa utli li wieħed jippubbliċizza deċiżjonijiet, inkluż, fejn xieraq, permezz ta' reklami prominenti, f'każijiet li jikkonċernaw il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali, bil-kondizzjoni li din il-pubblikazzjoni ma tirriżultax fl-iżvelar tas-sigrieti kummerċjali jew taffettwa b'mod sproporzjonat il-privatezza u r-reputazzjoni ta' persuna fiżika.

(32)

L-effettività tal-miżuri, il-proċeduri u rimedji disponibbli għad-detenturi tas-sigrieti kummerċjali jistgħu jkunu pperikolati f'każ ta' nonkonformità mad-deċiżjonijiet rilevanti adottati mill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti. Għal din ir-raġuni, huwa neċessarju li jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet ikollhom is-setgħat xierqa ta' sanzjoni.

(33)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni uniformi tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Diretta, huwa opportun li jiġu pprovduti sistemi ta' kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fuq naħa waħda, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fuq in-naħa l-oħra, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' netwerk ta' korrispondenti maħturin mill-Istati Membri. Barra minn hekk, bil-għan li jiġi rieżaminat jekk dawk il-miżuri jissodisfawx l-għanijiet maħsuba għalihom, il-Kummissjoni, megħjuna, kif xieraq, mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, għandha teżamina l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u l-effettività tal-miżuri nazzjonali meħudin.

(34)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, b'mod partikolari d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt għax-xogħol, il-libertà li wieħed ikollu negozju, id-dritt għal proprjetà, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b'mod partikolari l-aċċess għal fajls, filwaqt li tiġi rrispettata s-segretezza kummerċjali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-dritt għal difiża.

(35)

Huwa importanti li d-drittijiet għar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u għall-protezzjoni tad-data personali ta' kwalunkwe persuna li d-data personali tagħha tista' tiġi pproċessata mid-detentur tas-sigriet kummerċjali meta jittieħdu passi sabiex jiġi protett sigriet kummerċjali, jew ta' kwalunkwe persuna involuta fi proċedimenti legali li tikkonċerna l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali skont din id-Direttiva u li d-data personali tagħha hija pproċessata jiġu rrispettati. Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) tirregola l-ipproċessar tad-data personali li jsir fl-Istati Membri fil-kuntest ta' din id-Direttiva u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri. Għalhekk, din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-drittijiet u l-obbligi stipulati fid-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari d-drittijiet tad-data soġġetta għall-aċċess tad-data personali tiegħu jew tagħha li tkun qed tiġi pproċessata u biex tinkiseb ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblokk tad-data fejn din ma tkunx kompluta jew mhux preċiża u, fejn ikun xieraq, l-obbligu li tiġi pproċessata data sensittiva f'konformità mal-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

(36)

Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri, li jkun hemm funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern permezz tal-istabbiliment ta' rimedju suffiċjenti u ta' livell komparabbli fis-suq intern kollu fil-każ tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, b'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità msemmi f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(37)

Din id-Direttiva ma timmirax li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali, jew li tittratta mal-liġi applikabbli. Strumenti oħra tal-Unjoni li jirregolaw affarijiet bħal dawn f'termini ġenerali, fil-prinċipju, għandhom jibqgħu ugwalment applikabbli għall-qasam kopert minn din id-Direttiva.

(38)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-liġi tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Direttiva m'għandhomx jintużaw biex jirrestrinġu mingħajr bżonn il-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra t-TFUE.

(39)

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni ta' kwalunkwe liġi oħra rilevanti f'oqsma oħra, inklużi d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-liġi dwar il-kuntratti. Madankollu, fejn il-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u l-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva jidħlu f'xulxin, din id-Direttiva tieħu preċedenza bħala lex specialis.

(40)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u ta opinjoni fit-12 ta' Marzu 2014,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-protezzjoni kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tas-sigrieti kummerċjali.

L-Istati Membri jistgħu, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, jipprevedu protezzjoni aktar estensiva kontra l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigrieti kummerċjali minn dik rekwiżita b'din id-Direttiva, sakemm tkun żgurata l-konformità mal-Artikoli 3, 5, 6, l-Artikolu 7(1), l-Artikolu 8, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1), l-Artikolu 9(3) u (4), l-Artikolu 10(2), l-Artikoli 11, 13 u l-Artikoli 15(3).

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa:

(a)

l-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stipulat fil-Karta, inkluż ir-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-informazzjoni;

(b)

l-applikazzjoni ta' regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu li d-detenturi tas-sigrieti kummerċjali jiżvelaw, għal raġunijiet ta' interess pubbliku, informazzjoni, inklużi sigrieti kummerċjali, lill-pubbliku jew lil awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji għall-qadi tad-dmirijiet ta' dawk l-awtoritajiet;

(c)

l-applikazzjoni ta' regoli tal-Unjoni jew dawk nazzjonali li jirrikjedu jew jippermettu lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali biex jiżvelaw informazzjoni ppreżentata minn negozji li dawn l-istituzzjonijiet, korpi jew awtoritajiet ikollhom, skont, u f'konformità mal-obbligi u l-prerogattivi stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(d)

l-awtonomija tas-sħab soċjali u d-dritti tagħhom li jidħlu fi ftehimiet kollettivi, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.

3.   F'din id-Direttiva xejn m'għandu jinftiehem li joffri xi raġuni għar-restrizzjoni tal-mobilità tal-impjegati. B'mod partikolari, fir-rigward tal-eżerċizzju ta' din il-mobilità, din id-Direttiva m'għandha toffri ebda raġuni għal:

(a)

limitazzjoni tal-użu mill-impjegati ta' informazzjoni li ma tikkostitwixxix sigriet kummerċjali kif definit fil-punt 1 tal-Artikolu 2;

(b)

limitazzjoni tal-użu mill-impjegati ta' esperjenza u ħiliet miksuba b'mod onest matul l-impjieg tagħhom;

(c)

impożizzjoni ta' xi restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-impjegati fil-kuntratti ta' impjieg tagħhom ħlief restrizzjonijiet imposti f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sigriet kummerċjali” tfisser informazzjoni li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

hija sigrieta fis-sens li mhux, bħala korp jew fil-konfigurazzjoni preċiża u l-assemblaġġ tal-komponenti tagħha, magħrufa ġeneralment jew aċċessibbli b'mod faċli lill-persuni li ġeneralment jittrattaw din it-tip ta' informazzjoni;

(b)

għandha valur kummerċjali minħabba li hija sigrieta;

(c)

kienet soġġett għal passi raġonevoli taħt iċ-ċirkostanzi, mill-persuna li għandha l-kontroll legali tal-informazzjoni, biex tinżamm sigrieta;

(2)

“detentur tas-sigriet kummerċjali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li legalment tikkontrolla sigriet kummerċjali;

(3)

“kontraventur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun kisbet, użat jew żvelat illegalment sigriet kummerċjali;

(4)

“oġġetti kontraventorji” tfisser oġġetti li d-disinn, il-karatteristiċi, il-funzjonament, il-proċess ta' produzzjoni jew kummerċjalizzazzjoni tagħhom b'mod sinifikanti jibbenefikaw minn sigrieti kummerċjali miksuba, użati jew żvelati illegalment.

KAPITOLU II

Ksib, użu u żvelar ta' sigrieti kummerċjali

Artikolu 3

Ksib, użu u żvelar legali ta' sigrieti kummerċjali

1.   Il-ksib ta' sigriet kummerċjali għandu jiġi meqjus bħala legali meta s-sigriet kummerċjali jinkiseb permezz ta' wieħed mill-metodi li ġejjin:

(a)

skoperta jew kreazzjoni indipendenti;

(b)

osservazzjoni, studju, żarmar jew ittestjar ta' prodott jew oġġett li jkun sar disponibbli għall-pubbliku jew li huwa legalment fil-pussess tal-akkwirent tal-informazzjoni li huwa liberu minn kwalunkwe dmir legalment validu biex jiġi limitat il-ksib tas-sigriet kummerċjali;

(c)

eżerċizzju tad-dritt tal-ħaddiema jew tar-rappreżentanti tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li, fiċ-ċirkostanzi, hija konformi ma' prattiċi kummerċjali onesti.

2.   Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala legali sal-punt li tali ksib, użu jew żvelar huma meħtieġa jew permessi mil-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

Artikolu 4

Ksib, użu u żvelar illegali ta' sigrieti kummerċjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi ta' sigrieti kummerċjali huma intitolati japplikaw għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji stipulati f'din id-Direttiva biex jipprevjenu, jew jiksbu rimedju għall-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali tagħhom.

2.   Il-ksib ta' sigriet kummerċjali mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illegali, kull meta jitwettaq permezz ta':

(a)

aċċess mhux awtorizzat għal, l-approprjazzjoni ta', jew l-ikkupjar ta' kwalunkwe dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku, legalment taħt il-kontroll tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li fihom is-sigriet kummerċjali jew li minnhom wieħed jista' jiddeduċi s-sigriet kummerċjali;

(b)

kwalunkwe mġiba oħra li, taħt iċ-ċirkostanzi, hija kkunsidrata kuntrarja għal prattika kummerċjali onesta.

3.   L-użu jew l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali għandu jitqies bħala illeġittimu kull meta jitwettaq, mingħajr il-kunsens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali minn persuna li nstabet li tissodisfa waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kisbet is-sigriet kummerċjali illegalment;

(b)

tkun qed tikser ftehim ta' kunfidenzjalità jew kwalunkwe dover ieħor biex ma tiżvelax is-sigriet kummerċjali;

(c)

tkun qed tikser kuntratt jew kull dover ieħor li jillimita l-użu tas-sigriet kummerċjali.

4.   Il-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali għandu wkoll jitqies bħala illegali kull meta persuna, waqt il-ksib, l-użu jew l-iżvelar, kienet taf jew fiċ-ċirkostanzi kellha tkun taf li s-sigriet kummerċjali kien inkiseb direttament jew indirettament minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela sigriet kummerċjali b'mod illegali fit-tifsira tal-paragrafu 3.

5.   Il-produzzjoni, l-offerta jew it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna tal-oġġetti kontraventorji għal dawk il-finijiet, għandhom ukoll jitqiesu bħala użu illegali ta' sigriet kummerċjali fejn persuna li twettaq attivitajiet bħal dawn kienet taf, jew kellha, taħt iċ-ċirkostanzi, tkun taf li s-sigriet kummerċjali ntuża illegalment skont it-tifsira tal-paragrafu 3.

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikazzjoni għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Direttiva tiġi miċħuda fejn l-allegat ksib, użu jew żvelar tas-sigriet kummerċjali twettaq fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif stipulat fil-Karta, inkluż ir-rispett għal-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi tal-informazzjoni;

(b)

għall-iżvelar ta' kondotta ħażina, għemil ħażin jew attività illegali, dment li l-intimat aġixxa sabiex jipproteġi l-interess pubbliku ġenerali;

(c)

l-iżvelar mill-ħaddiema lir-rappreżentanti tagħhom bħala parti mill-eżerċizzju leġittimu minn dawk ir-rappreżentanti tal-funzjonijiet tagħhom f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, dment li tali żvelar kien neċessarju għal dak l-eżerċizzju;

(d)

għall-fini tal-protezzjoni ta' interess leġittimu rikonoxxut mil-liġi tal-Unjoni jew dik

KAPITOLU III

Miżuri, proċeduri u rimedji

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 6

Obbligu ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' rimedju ċivili kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali ta' sigrieti kummerċjali.

2.   Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

ikunu ġusti u ekwi;

(b)

ma jkunux ikkomplikati jew għaljin bla bżonn, jew jinvolvu skadenzi mhux raġonevoli jew dewmien mhux ġustifikat; u

(c)

ikunu effettivi u dissważivi.

Artikolu 7

Proporzjonalità u użu abbużiv tal-proċedura ġudizzjarja

1.   Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Direttiva għandhom jiġu applikati b'mod li:

(a)

huwa proporzjonat;

(b)

jevita l-ħolqien ta' xkiel għall-kummerċ leġittimu fis-suq intern; u

(c)

jipprevedi salvagwardji kontra l-abbuż.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq talba mill-intimat, japplikaw miżuri xierqa kif previst fil-liġi nazzjonali, fejn applikazzjoni dwar il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali tkun b'mod evidenti bla bażi u l-applikant jinstab li jkun beda l-proċedimenti legali b'mod abbużiv jew in mala fede. Tali miżuri jistgħu, kif ikun xieraq, jinkludu li jingħata kumpens għall-ħsara lill-intimat, li jiġu imposti sanzjonijiet fuq l-applikant jew jiġi ordnat it-tixrid ta' informazzjoni dwar deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 15.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-miżuri kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġu trattati fi proċedimenti legali separati.

Artikolu 8

Perijodu ta' limitazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom, f'konformità ma' dan l-Artikolu, jistabbilixxu regoli dwar il-perijodi ta' limitazzjoni applikabbli għal talbiet sostantivi u l-azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti f'din id-Direttiva.

Ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiddeterminaw meta jibda l-perijodu ta' limitazzjoni, it-tul ta' żmien tal-perijodu ta' limitazzjoni u ċ-ċirkostanzi li taħthom il-perijodu ta' limitazzjoni huwa interrott jew sospiż.

2.   It-tul ta' żmien tal-perijodu ta' limitazzjoni m'għandux jaqbeż is-sitt snin.

Artikolu 9

Preservazzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali matul il-kors tal-proċedimenti legali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet, l-avukati jew rappreżentanti oħra tagħhom, l-uffiċjali tal-qorti, xhieda, esperti u kull persuna oħra li tkun qed tipparteċipa fi proċedimenti legali dwar il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, jew min għandu aċċess għal dokumenti li jiffurmaw parti minn dawk il-proċedimenti legali, ma jitħallew jużaw jew jiżvelaw l-ebda sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jkunu, b'rispons għal applikazzjoni motivata kif dovut minn parti interessata, identifikaw bħala kunfidenzjali u li jkunu saru konxji minnha bħala riżultat ta' tali parteċipazzjoni jew aċċess. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jaġixxu fuq inizjattiva tagħhom stess.

L-obbligu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jibqa' fis-seħħ wara li jintemmu l-proċedimenti legali. Madankollu, tali obbligu m'għandux jibqa' jeżisti fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-allegat sigriet kummerċjali jinsab, permezz ta' deċiżjoni finali, li ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 1 tal-Artikolu 2; jew

(b)

fejn maż-żmien, l-informazzjoni inkwistjoni ssir ġeneralment magħrufa fost jew faċilment aċċessibbli għall-persuni li ġeneralment jittrattaw dik it-tip ta' informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq applikazzjoni debitament raġunata minn parti, jieħdu miżuri speċifiċi meħtieġa biex jippreservaw il-kunfidenzjalità ta' kwalunkwe sigriet kummerċjali jew allegat sigriet kummerċjali użat jew imsemmi matul proċedimenti legali li jirrigwardaw il-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali. L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jieħdu tali miżuri fuq inizjattiva tagħhom stess.

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom mill-inqas jinkludu l-possibbiltà:

(a)

li jiġi ristrett l-aċċess għal kull dokument li fih sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali ppreżentati mill-partijiet jew mill-partijiet terzi, kollha jew parti minnhom, għal numru limitat ta' persuni;

(b)

li jiġi ristrett l-aċċess għas-smigħ, meta s-sigrieti kummerċjali jew allegati sigrieti kummerċjali jistgħu jiġu żvelati, u r-rekord jew traskrizzjoni korrispondenti ta' dak is-smigħ għal numru limitat ta' persuni;

(c)

li tkun disponibbli għal kwalunkwe persuna għajr dawk inklużi fin-numru limitat ta' persuni msemmija fil-punti (a) u (b) verżjoni mhux kunfidenzjali ta' kull deċiżjoni ġudizzjarja, li fiha s-siltiet li jinkludu s-sigrieti kummerċjali jkunu tneħħew jew tgħattew.

In-numru ta' persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu m'għandux ikun akbar minn dak li huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dritt tal-partijiet fil-proċedimenti legali għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u għandu jinkludi, tal-inqas, persuna fiżika waħda minn kull parti u l-avukati rispettivi jew rappreżentanti oħra ta' dawk il-partijiet fil-proċedimenti legali.

3.   Meta jiddeċiedu dwar il-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 u jivvalutaw il-proporzjonalità tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, l-interessi leġittimi tal-partijiet u, fejn xieraq, ta' partijiet terzi, u kwalunkwe ħsara potenzjali għal waħda mill-partijiet, u, fejn xieraq, għal partijiet terzi, li jirriżultaw mill-għoti jew ir-rifjut ta' tali miżuri.

4.   Kwalunkwe pproċessar ta' data personali skont il-paragrafi 1, 2 jew 3 għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

Taqsima 2

Miżuri proviżorji u kawtelatorji

Artikolu 10

Miżuri proviżorji u kawtelatorji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq talba tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, jordnaw kwalunkwe waħda mill-miżuri proviżorji u prekawzjonarji li ġejjin kontra l-allegat kontraventur:

(a)

il-waqfien, jew, skont il-każ, il-projbizzjoni tal-użu jew l-iżvelar tas-sigriet kummerċjali fuq bażi proviżorja;

(b)

il-projbizzjoni tal-produzzjoni, l-offerta, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna ta' oġġetti kontraventorji għal dawk l-iskopijiet;

(c)

il-konfiska jew iċ-ċessjoni ta' oġġetti suspettati bħala kontraventorji, inklużi oġġetti importati, sabiex jiġu evitati d-dħul, u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom, fis-suq.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jistgħu, bħala alternattiva għall-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, jagħmlu l-kontinwazzjoni tal-allegat użu illegali ta' sigriet kummerċjali soġġett għall-preżentazzjoni ta' garanziji maħsuba biex jiżguraw il-kumpens tad-detentur tas-sigriet kummerċjali. M'għandux ikun permess l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali kontra l-preżentazzjoni ta' garanziji.

Artikolu 11

Kundizzjonijiet ta' applikazzjoni u salvagwardji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom, fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 10, l-awtorità li jitolbu lill-applikant jipprovdi evidenza li tista' titqies raġonevolment disponibbli sabiex jissodisfaw ruħhom b'livell suffiċjenti ta' ċertezza li:

(a)

jeżisti sigriet kummerċjali;

(b)

l-applikant huwa d-detentur tas-sigriet kummerċjali; u

(c)

is-sigriet kummerċjali nkiseb illegalment, qed jiġi użat u żvelat illegalment, jew li l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali huwa imminenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeċiedu li jagħtu jew jiċħdu l-applikazzjoni u jivvalutaw l-proporzjonalità tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu meħtieġa li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inkluż, fejn xieraq:

(a)

il-valur u karatteristiċi speċifiċi oħra tas-sigriet kummerċjali;

(b)

il-miżuri meħuda biex jiġi protett is-sigriet kummerċjali;

(c)

l-imġiba tal-intimat biex jikseb, juża jew jiżvela s-sigriet kummerċjali;

(d)

l-impatt tal-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali;

(e)

l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-impatt li l-għoti jew rifjut tal-miżuri jista' jkollu fuq il-partijiet;

(f)

l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi;

(g)

l-interess pubbliku; u

(h)

is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 10 huma revokati jew inkella jieqfu milli jidħlu fis-seħħ, fuq talba tal-intimat, jekk:

(a)

l-applikant ma jibdiex proċedimenti legali li jwasslu għal deċiżjoni dwar il-merti tal-każ quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, f'perijodu raġonevoli ta' żmien determinat mill-awtorità ġudizzjarja li tordna l-miżuri meta liġi ta' Stat Membru tippermetti dan jew, fin-nuqqas ta' tali determinazzjoni, fi żmien mhux aktar minn 20 jum tax-xogħol jew 31 jum kalendarju, liema minnhom ikun l-itwal; jew

(b)

l-informazzjoni inkwistjoni m'għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 2, għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lill-intimat.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jagħmlu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 10 soġġetti għal preżentazzjoni mill-applikant ta' sigurtà adegwata jew assigurazzjoni ekwivalenti intiża biex tassigura il-kumpens mingħajr preġudizzju soffert mill-intimat jew kwalunkwe persuna oħra milquta mill-miżuri.

5.   Fejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 10 jiġu revokati fuq il-bażi tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, fejn dawn jiskadu minħabba kwalunkwe att jew ommissjoni mill-applikant, jew fejn sussegwentement jinstab li ma kien hemm ebda ksib, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali jew theddid ta' kondotta bħal din, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandu jkollhom l-awtorità sabiex jordnaw lill-applikant, fuq talba tal-intimat jew ta' parti terza danneġġata, biex jipprovdi lill-intimat, jew lill-parti terza danneġġata, b'kumpens xieraq għal kwalunkwe dannu kkawżat minn dawk il-miżuri.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li t-talba għal kumpens imsemmi fl-ewwel subparagrafu tiġi trattata fi proċedimenti separati.

Taqsima 3

Miżuri li jirriżultaw minn deċiżjoni dwar il-merti tal-każ

Artikolu 12

Inġunzjonijiet u miżuri korrettivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn deċiżjoni ġudizzjarja meħuda fuq il-merti tal-każ issib li kien hemm ksib, użu jew żvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, fuq talba tal-applikant, jordnaw kontra l-kontraventur waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

il-waqfien, jew, skont il-każ, il-projbizzjoni tal-użu jew l-iżvelar ta' sigriet kummerċjali;

(b)

il-projbizzjoni tal-produzzjoni, l-offerta, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta' oġġetti kontraventorji, jew l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew il-ħażna ta' oġġetti kontraventorji għal dawk l-iskopijiet;

(c)

l-adozzjoni tal-miżuri korrettorji xierqa fir-rigward tal-oġġetti kontraventorji;

(d)

il-qerda totali jew parzjali ta' kull dokument, oġġett, materjal, sustanza jew fajl elettroniku li fih jew li jinkorpora s-sigriet kummerċjali jew, skont il-każ, l-għoti uffiċjali lill-applikant ta' dawk id-dokumenti, l-oġġetti, il-materjali, is-sustanzi jew l-fajls elettroniċi kollha jew parti minnhom.

2.   Il-miżuri korrettivi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

is-sejħa lura tal-oġġetti kontraventorji mis-suq;

(b)

li l-prodotti kontraventorji titneħħilhom il-kwalità kontraventorja tagħhom;

(c)

il-qerda tal-oġġetti kontraventorji jew, fejn xieraq, l-irtirar tagħhom mis-suq, sakemm dan l-irtirar ma jdgħajjifx il-protezzjoni tas-sigriet kummerċjali inkwistjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, meta jordnaw l-irtirar tal-prodotti kontraventorji mis-suq, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tagħhom jistgħu jordnaw, fuq talba tad-detentur tas-sigriet kummerċjali, li l-prodotti jiġu kkonsenjati lid-detentur jew lil organizzazzjonijiet tal-karità.

4.   L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jordnaw li l-miżuri msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 jitwettqu bl-ispejjeż għall-kontraventur, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet partikolari sabiex dan ma jsirx. Dawk il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe danni li jistgħu jiġġarrbu mid-detentur tas-sigriet kummerċjali minħabba l-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

Artikolu 13

Kundizzjonijiet tal-applikazzjoni, salvagwardji u miżuri alternattivi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jikkunsidraw applikazzjoni għall-adozzjoni tal-mandati ta' inibizzjoni u miżuri korrettivi previsti fl-Artikolu 12 u l-valutazzjoni tal-proporzjonalità tagħhom, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu meħtieġa li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ, inkluż, fejn xieraq:

(a)

il-valur jew karatteristiċi speċifiċi oħra tas-sigriet kummerċjali;

(b)

il-miżuri meħuda biex jiġi protett is-sigriet kummerċjali;

(c)

l-imġiba tal-kontraventur biex jikseb, juża jew jiżvela s-sigriet kummerċjali;

(d)

l-impatt tal-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali;

(e)

l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-impatt li l-għoti jew rifjut tal-miżuri jista' jkollu fuq il-partijiet;

(f)

l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi;

(g)

l-interess pubbliku; u

(h)

is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali.

Fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jillimitaw id-dewmien tal-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 12(1), dan iż-żmien għandu jkun biżżejjed biex jelimina kwalunkwe vantaġġ kummerċjali jew ekonomiku li l-kontraventur seta' jikseb mill-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 12(1) jiġu revokati jew inkella jieqfu milli jkollhom effett, fuq talba tal-intimat, jekk l-informazzjoni inkwistjoni ma tibqax tissodisfa r-rekwiżiti tal-punt 1 tal-Artikolu 2 għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti direttament jew indirettament lill-intimat.

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li, fuq talba tal-persuna responsabbli li tkunu soġġetta għall-miżuri previsti fl-Artikolu 12, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista' tordna kumpens fi flus li għandu jitħallas lill-parti danneġġata minflok ma jiġu applikati dawk il-miżuri jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-persuna kkonċernata fil-mument tal-użu jew l-iżvelar la kienet taf u lanqas kellha, taħt iċ-ċirkostanzi, tkun taf li s-sigriet kummerċjali kien miksub minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela sigriet kummerċjali b'mod illegali;

(b)

l-eżekuzzjoni tal-miżuri inkwistjoni tikkawża lill-persuna dannu sproporzjonat; u

(c)

kumpens pekunjarju lill-parti danneġġata tidher li hi raġonevolment sodisfaċenti.

Fejn ikun ġie ordnat kumpens pekunjarju minflok il-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 12(1), dan m'għandux jaqbeż l-ammont ta' royalties jew miżati li kienu jkunu dovuti, li kieku dik il-persuna kienet talbet awtorizzazzjoni biex tuża s-sigriet kummerċjali inkwistjoni, għall-perijodu ta' żmien li matulu l-użu tas-sigriet kummerċjali seta' ġie pprojbit.

Artikolu 14

Danni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq talba tal-parti danneġġata, jordnaw lill-kontraventur li kien jaf jew li kellu jkun jaf li hu kien qed jagħmel il-ksib, l-użu, jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, li jħallsu lid-detentur tas-sigriet kummerċjali d-danni xierqa għall-ħsara attwali mġarrba, b'riżultat tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-responsabbiltà għad-danni ta' impjegati lejn min iħaddimhom għall-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali ta' min iħaddem fejn jaġixxu mingħajr intenzjoni.

2.   Meta jiġu stabbiliti d-danni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom jikkunsidraw il-fatturi xierqa kollha, bħall-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, li jinkludu qligħ mitluf, li l-parti li sarulha d-danni sofriet, xi profitti inġusti li saru mill-kontraventur u, f'każijiet xierqa, elementi barra fatturi ekonomiċi, bħall-preġudizzju morali ikkawżat lid-detentur tas-sigriet kummerċjali bil-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali.

B'mod alternattiv, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu, skont il-każ jiffissaw id-danni bħala somma li titħallas f'daqqa fuq il-bażi ta' elementi bħal, ta' mill-inqas, l-ammont tar-royalties jew tat-tariffi li kieku kienu jkunu dovuti jekk il-kontraventur talab awtorizzazzjoni sabiex tuża s-sigriet kummerċjali inkwistjoni.

Artikolu 15

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-proċedimenti legali istitwiti għall-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigriet kummerċjali, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw, fuq talba tal-applikant u aspejjeż tal-kontraventur, miżuri xierqa għat-tixrid tal-informazzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni, li jinkludi l-pubblikazzjoni tagħha sħiħa jew parti minnha.

2.   Kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tippreserva l-kunfidenzjalità tas-sigrieti kummerċjali kif previst fl-Artikolu 9.

3.   Biex jiġi deċiż jekk tiġix ordnata miżura msemmija fil-paragrafu 1 u meta tiġi vvalutata l-proporzjonalità tagħha, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu, fejn xieraq, il-valur tas-sigriet kummerċjali, l-imġiba tal-kontraventur biex jikseb, juża jew jiżvela s-sigriet kummerċjali, l-impatt tal-użu jew l-iżvelar illegali tas-sigriet kummerċjali, u l-probabbiltà ta' aktar użu jew żvelar illegali tas-sigriet kummerċjali mill-kontraventur.

L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom iqisu wkoll jekk l-informazzjoni dwar il-kontraventur tkunx tali li tippermetti li tiġi identifikatapersuna fiżika u, f'dak il-każ, jekk il-pubblikazzjoni ta' dik l-informazzjoni tkunx ġustifikata, b'mod partikolari fid-dawl tad-dannu possibbli li miżura bħal din tista' tikkawża għall-privatezza u r-reputazzjoni tal-kontraventur.

KAPITOLU IV

Sanzjonijiet, rappurtar u dispożizzjonijiet finali

Artikolu 16

Sanzjonijiet għan-nonkonformità ma' din id-Direttiva

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jimponu sanzjonijiet fuq kwalunkwe persuna li tonqos jew tirrifjuta li tikkonforma ma' kwalunkwe miżura adottata skont l-Artikoli 9, 10 u 12.

Is-sanzjonijiet previsti għandhom jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti penali ta' pagamenti rikorrenti f'każ ta' nonkonformità ma' miżura adottata skont l-Artikoli 10 u 12.

Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 17

Skambju ta' informazzjoni u korrispondenti

Bl-għan li ssir promozzjoni tal-kooperazzjoni, li tinkludi l-iskambju ta' informazzjoni, bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jagħżel korrispondent nazzjonali jew aktar fuq xi kwistjoni li tirrelata mal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija f'din id-Direttiva. Huwa għandu jikkomunika d-dettalji tal-korrispondent jew korrispondenti nazzjonali lill-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni.

Artikolu 18

Rapporti

1.   Sad-9 ta' Ġunju 2021, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-attivitajiet tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, għandu jħejji rapport inizjali dwar xejriet ta' litigazzjoni fir-rigward tal-ksib, l-użu jew l-iżvelar illegali ta' sigrieti kummerċjali skont l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Sad-9 ta' Ġunju 2022, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport intermedju dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, u għandha tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak ir-rapport għandu jieħu f'kunsiderazzjoni r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1.

Ir-rapport intermedju għandu jeżamina, b'mod partikolari, l-effetti possibbli tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-mobilità tal-impjegati u fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni.

3.   Sad-9 ta' Ġunju 2026, il-Kummissjoni għandha tfassal evalwazzjoni tal-impatt ta' din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 19

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-9 ta' Ġunju 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif għandha issir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(1)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 48.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2016.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x'jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta' negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).

(6)  Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).

(7)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

(9)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

(10)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(11)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48/KE tad-29 ta' April 2004 dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 45).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/944

tas-6 ta' Ġunju 2016

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/700/KE (2), il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3) (il-Ftehim), ġie ffirmat fid-9 ta' Settembru 2006 soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Il-Ftehim għandu l-għan li jħeġġeġ, jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fin-navigazzjoni globali ċivili bis-satellita.

(3)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim (il-Kumitat) għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, sa fejn il-Kumitat ikun imsejjaħ jadotta atti li għandhom effetti legali jew deċiżjonijiet li jissospendu l-applikazzjoni tal-Ftehim.

(4)

Barra minn hekk, għal kwistjonijiet li m'għandhomx effetti legali li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-pożizzjoni tal-Unjoni mal-Istati Membri.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, qed ikun hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna bis-setgħa li f'isem l-Unjoni Ewropea tibgħat in-notifika, prevista fl-Artikolu 18(1) tal-Ftehim (5), sabiex l-Unjoni Ewropea tesprimi l-kunsens tagħha li tintrabat bil-Ftehim u għandha tagħmel in-notifika li ġejja:

“Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data qed teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-‘Komunità Ewropea’ fit-test tal-Ftehim għandhom jinqraw bħala l-‘Unjoni Ewropea’”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

H.G.J. KAMP


(1)  Kunsens tal-10 ta' Mejju 2016 (għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/700/KE tal-1 ta' Settembru 2006 dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità ta' Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 288, 19.10.2006, p. 30).

(3)  Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika tal-Korea min-naħa l-oħra (ĠU L 288, 19.10.2006. p. 31).

(4)  It-test ġie ppubblikat fil-ĠU L 288, 19.10.2006, p. 31 flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-firma.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


REGOLAMENTI

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/21


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/945

tat-14 ta' Ġunju 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-14 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MA

132,8

TR

69,0

ZZ

100,9

0709 93 10

TR

148,7

ZZ

148,7

0805 50 10

AR

160,2

MA

179,9

TR

157,0

ZA

176,3

ZZ

168,4

0808 10 80

AR

122,6

BR

108,7

CL

138,7

CN

102,3

NZ

150,1

US

185,9

ZA

115,7

ZZ

132,0

0809 10 00

TR

259,2

ZZ

259,2

0809 29 00

TR

472,5

US

888,6

ZZ

680,6

0809 30 10 , 0809 30 90

TR

107,9

ZZ

107,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/946

tad-9 ta' Ġunju 2016

li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'każ li Stat Membru wieħed jew iktar isibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista' jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati.

(2)

Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-ażil u tal-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f'dan il-qasam għandhom jinkludu miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju.

(3)

Abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-Kunsill adotta żewġ Deċiżjonijiet li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja. Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 (2), 40 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja għall-Istati Membri l-oħra. Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 (3), 120 000 applikant għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja għall-Istati Membri l-oħra.

(4)

L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1601 jipprevedu li, fl-eventwalità ta' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fi Stat Membru, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jadotta miżuri proviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) TFUE. Tali miżuri jistgħu jinkludu, meta jkun jixraq, sospensjoni tal-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat Membru fir-rilokazzjoni kif previst f'dawk id-Deċiżjonijiet, kif ukoll miżuri possibbli ta' kumpens għall-Italja u għall-Greċja.

(5)

L-Iżvezja qiegħda taffaċċja sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju tagħha minħabba tibdil qawwi fil-flussi migratorji. Fit-8 ta' Diċembru 2015, l-Iżvezja talbet formalment is-sospensjoni tal-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601.

(6)

Iż-żieda konsiderevoli fil-qsim irregolari tal-fruntieri fl-Unjoni u fil-movimenti sekondarji madwar l-Unjoni wasslet għal żieda qawwija fl-Iżvezja fl-għadd ta' applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, prinċipalment minn individwi li daħlu fl-Unjoni mill-Italja u mill-Greċja.

(7)

Iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw żieda qawwija fl-Iżvezja fl-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. L-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali żdied b'aktar minn 60 % minn 68 245 applikant għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2014 għal 112 040 applikant għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Ottubru 2015.

(8)

L-għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fix-xahar reċentement laħaq livell saħansitra ogħla: irdoppja bejn Awwissu (11 735) u Settembru (24 261) u laħaq 39 055 f'Ottubru 2015 (żieda ta' 61 % minn Settembru).

(9)

L-Iżvezja, kellha bil-bosta l-akbar għadd ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali per capita fl-Unjoni fl-2015, bi 11 503 applikant għal kull miljun abitant.

(10)

L-Iżvezja qiegħda wkoll taffaċċja sitwazzjoni diffiċli minħabba ż-żieda sinifikanti reċenti fl-għadd ta' minorenni mhux akkumpanjati, b'wieħed minn kull erba' applikanti jiddikjara li huwa minorenni mhux akkumpanjat.

(11)

Is-sitwazzjoni attwali poġġiet pressjoni ferm sinifikanti fuq is-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Iżvezja, b'konsegwenzi prattiċi serji fil-post fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta' akkoljenza u tal-kapaċità tas-sistema tal-ażil u l-migrazzjoni li tittratta l-applikazzjonijiet. Bħala kontribut għat-taffija tal-pressjoni sinifikanti li l-Iżvezja qiegħda taffaċċja, l-obbligi tal-Iżvezja bħala Stat Membru ta' rilokazzjoni taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 għandhom jiġu sospiżi għal sena.

(12)

Is-sospensjoni tal-obbligi tal-Iżvezja għandha tiġi kkomplementata, fejn xieraq, minn miżuri ta' sostenn opereazzjonali kkoordinati mill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u minn Aġenziji oħra rilevanti.

(13)

L-Iżvezja għandha tippreżenta pjan direzzjonali lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li jindika l-miżuri li ser tieħu sabiex tiżgura l-effettività tas-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni u sabiex terġa' tibda taqdi l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 ladarba s-sospensjoni tal-obbligi tagħha ma tibqax effettiva.

(14)

Peress li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu minflok, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(15)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qiegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbut biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(17)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(18)

Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja, sabiex ikunu ta' sostenn għaliha biex tlaħħaq aħjar ma' sitwazzjoni ta' emerġenza kkaratterizzata minn dħul f'daqqa ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 2

Sospensjoni tal-obbligi taħt id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601

L-obbligi ta' rilokazzjoni tal-Iżvezja bħala Stat Membru ta' rilokazzjoni taħt id-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1601għandhom jiġu sospiżi sas-16 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 3

Sostenn operazzjonali lill-Iżvezja

Sabiex l-Iżvezja tkun tista' tlaħħaq aħjar mal-pressjoni ta' natura eċċezzjonali fuq is-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni, għandu jingħata sostenn operazzjonali lill-Iżvezja, fejn xieraq, permezz ta' attivitajiet rilevanti kkoordinati mill-EASO u minn Aġenziji oħra rilevanti.

Artikolu 4

Miżuri komplementari li għandhom jittieħdu mill-Iżvezja

Sas-16 ta' Lulju 2016, l-Iżvezja għandha tippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan direzzjonali li jindika l-miżuri li ser tieħu sabiex tiżgura l-effettività tas-sistema tagħha tal-ażil u l-migrazzjoni u sabiex terġa' tibda taqdi l-obbligi tagħha skont id-Deċiżjonijiet (UE) 2015/1523 u (UE) 2015/1601 ladarba s-sospensjoni msemmija fl-Artikolu 2 ma tibqax effettiva.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G.A. VAN DER STEUR


(1)  Opinjoni tas-26 ta' Mejju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 146).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 80).


15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/26


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/947

tal-14 ta' Ġunju 2016

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (*) (EULEX KOSOVO)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-4 ta' Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (1).

(2)

Fit-12 ta' Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/349/PESK (2) li emendat l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK u estendietha sal-14 ta' Ġunju 2016.

(3)

Fil-11 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/901 (3) li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK li tipprevedi ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu mill-15 ta' Ġunju 2015 sal-14 ta' Ġunju 2016.

(4)

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha tiġi emendata biex testendi l-mandat ta' EULEX Kosovo sal-14 ta' Ġunju 2018 u biex tipprevedi ammont ġdid ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri l-perijodu mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017.

(5)

Xejn f'din id-Deċiżjoni ma għandu jiġi interpretat f'tali sens li jippreġudika l-indipendenza u l-awtonomija tal-imħallfin u l-prosekuturi.

(6)

Minħabba l-karattru speċjali tal-attivitajiet ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, huwa adatt li jiġi identifikat f'din id-Deċiżjoni l-ammont previst biex ikopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru u biex tiġi prevista l-implimentazzjoni ta' dik il-parti tal-baġit permezz ta' għotja.

(7)

EULEX Kosovo ser titmexxa fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat.

(8)

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017 għandu jkun ta' EUR 63 600 000.

Mill-ammont imsemmi fid-disa' subparagrafu, EUR 34 500 000 għandu jkopri n-nefqa ta' EULEX KOSOVO għall-implimentazzjoni tal-mandat tagħha fil-Kosovo mill-15 ta' Ġunju sal-14 ta' Diċembru 2016, u EUR 29 100 000 għandu jkopri l-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru mill-15 ta' Ġunju 2016 sal-14 ta' Ġunju 2017. Dan l-aħħar ammont għandu wkoll retroattivament ikopri n-nefqa li tirriżulta mill-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati mill-1 ta' April 2016. Il-Kummissjoni għandha tiffirma ftehim ta' għotja ma' reġistratur li jaġixxi f'isem reġistru inkarigat mill-amministrazzjoni tal-proċedimenti ġudizzjarji rilokati għal dak l-ammont. Ir-regoli dwar l-għotjiet previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (**) għandhom japplikaw għal dan il-ftehim ta' għotja.

L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għal EULEX Kosovo għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.

(**)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).”;"

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Għajr l-ammont imsemmi fl-għaxar subparagrafu tal-paragrafu 1 relatat mal-appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati fi Stat Membru, EULEX KOSOVO għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni finanzjarja tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, EULEX KOSOVO għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni.”.

(2)

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Hija għandha tiskadi fl-14 ta' Ġunju 2018. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mir-Rappreżentant Għoli, u filwaqt li jqis sorsi ta' finanzjament komplementari kif ukoll kontribuzzjonijiet minn sħab oħra, għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-mandat ta' EULEX KOSOVO b'appoġġ għall-proċedimenti ġudizzjarji rilokati msemmijin fl-Artikolu 3a u l-mezzi finanzjarji meħtieġa relatati jibqa' fis-seħħ sakemm ikunu ġew konklużi dawn il-proċedimenti ġudizzjarji.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


(*)  Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244(1999) u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  L-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX Kosovo (ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta' Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 174, 13.6.2014, p. 42).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/901 tal-11 ta' Ġunju 2015 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (ĠU L 147, 12.6.2015, p. 21).


15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/28


DEĊIŻJONI (UE) 2016/948 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta' Ġunju 2016

dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew u, b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12.1 flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, u l-Artikolu 18.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (B~E), flimkien mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tag]hom hija l-euro jista' jopera fis-swieq finanzjarji billi jixtri u jbiegħ b'mod definittiv strumenti negozjabbli.

(2)

Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (1), li stabbilixxiet it-tielet programm ta' xiri ta' bonds garantiti, ġiet adottata fil-15 ta' Ottubru 2014. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/45) (2), li stabbilixxiet programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi, ġiet adottata fid-19 ta' Novembru 2014. Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2015/10) (3) li stabbilixxiet programm ta' xiri ta' assi tas-settur pubbliku mis-swieq sekondarji (iktar 'il quddiem il-“PSPP”), ġiet adottata fl-4 ta' Marzu 2015 u espandiet il-programmi eżistenti ta' xiri ta' assi. Flimkien mal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/34 tal-Bank Ċentrali Ewropew (4) u d-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/10) (5), dawn il-programmi ta' xiri ta' assi huma mmirati biex ikomplu jtejbu t-trasmissjoni tal-politika monetarja, sabiex b'hekk jiffaċilitaw l-għoti ta' kreditu lill-ekonomija taż-żona tal-euro, iħaffu l-kundizzjonijiet għat-teħid ta' self minn unitajiet domestiċi u negozji u jikkontribwixxu sabiex ir-rati ta' inflazzjoni jinġiebu lura għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju, b'mod konsistenti mal-objettiv ewlieni tal-BĊE li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

(3)

Fl-10 ta' Marzu 2016 il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jkompli jespandi l-programmi ta' xiri ta' assi msemmija iktar 'il fuq u li jagħti bidu għal programm ta' xiri ta' assi mis-settur korporattiv (CSPP), bħala parti mill-politika monetarja waħdanija u f'segwitu tal-objettiv tiegħu ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Din id-deċiżjoni ttieħdet sabiex tkompli tissaħħaħ il-mogħdija tax-xirjiet ta' assi mill-Eurosistema lill-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali, u sabiex tipprovdi, b'mod konġunt mal-miżuri l-oħrajn mhux standard tal-politika monetarja fis-seħħ, akkomodazzjoni ulterjuri tal-politika monetarja u tikkontribwixxi għal ritorn tar-rati ta' inflazzjoni għal livelli li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % muq medda ta' żmien medju.

(4)

Is-CSPP ser ikun parti mill-programm ta' xiri ta' assi (APP), li taħtu x-xirjiet huma maħsuba li jibqgħu għaddejjin sat-tmiem ta' Marzu 2017, jew lil hinn, jekk dan ikun meħtieġ, u fi kwalunkwe każ sakemm il-Kunsill Governattiv jara aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni li tkun konsistenti mal-għan tiegħu li jikseb rati ta' inflazzjoni li jkunu taħt, iżda qrib, it-2 % fuq medda ta' żmien medju.

(5)

Is-CSPP għandu jinkludi għadd ta' salvagwardji sabiex jiżgura li x-xirjiet previsti jkunu proporzjonati mal-għanijiet tiegħu. Dawn is-salvagwardji għandhom jiżguraw ukoll li riskji finanzjarji relatati jiġu meqjusa fid-disinn tas-CSPP u għandhom jirriflettu perspettivi tal-ġestjoni tar-riskju. Barra minn hekk, strumenti ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn impriżi pubbliċi għandhom ikunu soġġetti għal limiti, b'mod konsistenti ma' dawk applikati għal xirjiet taħt il-PSPP.

(6)

Is-CSPP għandu jikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tal-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt it-Trattat, inkluża l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju b'rabta max-xiri ta' strumenti ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn impriżi pubbliċi.

(7)

Is-CSPP għandu jirrispetta l-prinċipju ta' ekonomija tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa, waqt li jagħti l-konsiderazzjoni dovuta lill-formazzjoni ta' prezzijiet tas-suq u l-funzjonament tas-swieq.

(8)

B'mod konformi mal-komponenti l-oħrajn tal-APP, l-istrumenti prinċipali tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli eliġibbli mixtrija taħt is-CSPP għandhom jiġu investiti mill-ġdid hekk kif l-istrumenti ta' dejn sottostanti jimmaturaw, għat-tul ta' żmien meħtieġ, biex b'hekk jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet ta' likwidità favorevoli u għal pożizzjoni ta' politika monetarja xierqa.

(9)

Ix-xiri definittiv ta' strumenti ta' dejn negozjabbli eliġibbli mill-Eurosistema taħt is-CSPP għandu jiġi implimentat b'mod deċentralizzat skont din id-Deċiżjoni, u għandu jiġi kkoordinat mill-BĊE, biex b'hekk tiġi ssalvagwardata l-uniċità tal-politika monetarja tal-Eurosistema,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tax-xiri b'mod definittiv ta' bonds korporattivi

Is-CSPP qiegħed jiġi stabbilit bil-preżenti. Taħt is-CSPP, banek ċentrali speċifikati tal-Eurosistema jistgħu jixtru bonds korporattivi eliġibbli mingħand kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji, waqt li bonds korporattivi tas-settur pubbliku, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1), jistgħu jinxtraw biss fis-swieq sekondarji, taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

Artikolu 2

Kriterji ta' eliġibbiltà għal bonds korporattivi

Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt is-CSPP, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema skont il-Parti 4 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) (6) u r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin.

1.

L-emittent tal-istrument ta' dejn negozjabbli:

(a)

huwa inkorporat fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

mhuwiex istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(c)

m'għandux impriża parent kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li hija wkoll istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(d)

m'għandux impriża parent li hija soġġetta għal superviżjoni bankarja barra miż-żona tal-euro;

(e)

mhuwiex entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (8) jew membru ta' grupp taħt superviżjoni kif iddefinit fis-subpunt (b) tal-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), f'kull każ, kif jinsab fil-lista ppubblikata mill-BĊE fuq il-websajt tiegħu skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), u mhuwiex kumpanija sussidjarja, kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ta' kwalunkwe waħda minn dawk l-entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni;

(f)

mhuwiex ditta ta' investiment kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(g)

ma jkunx ħareġ titolu ggarantit b'assi skont it-tifsira tal-punt (3) tal-Artikolu 2 tal-linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(h)

ma jkunx ħareġ multi cédula fi ħdan it-tifsira tal-punt (62) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(i)

ma jkunx ħareġ bond kopert strutturat fi ħdan it-tifsira tal-punt (88) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(j)

mhuwiex vettura għall-ġestjoni tal-assi li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' għodda ta' separazzjoni ta' assi f'azzjoni ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11);

(k)

mhuwiex fond għall-ġestjoni u d-divestiment ta' assi nazzjonali stabbilit biex jappoġġa r-ristrutturar u/jew riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju (12); u

(l)

mhuwiex emittent eliġibbli għall-PSPP.

2.

L-istrument ta' dejn negozjabbli għandu maturità rimanenti minima ta' 6 xhur u maturità rimanenti massima ta' 30 sena u 364 jum fiż-żmien meta jinxtara mill-bank ċentrali relevanti tal-Eurosistema.

3.

B'devjazzjoni mill-Artikolu 59(5) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-istrument ta' dejn negozjabbli, għandha titqies biss informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-kreditu li tkun ipprovduta minn istituzzjoni esterna tal-valutazzjoni tal-kreditu li tkun aċċettata fi ħdan il-qafas ta' valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema.

4.

L-istrument ta' dejn negozjabbli huwa ddenominat f'euro.

5.

Huwa permess xiri ta' strumenti ta' dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu.

Artikolu 3

Limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta' xiri ta' bonds korporattivi tas-settur pubbliku

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “bond korporattiv tas-settur pubbliku” tfisser bond korporattiv li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2 u jinħareġ minn impriża pubblika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 (13).

2.   Sabiex tkun permessal-formazzjoni ta' prezz tas-suq għal bonds korporattivi eliġibbli tas-settur pubbliku, m'għandu jkun permess ebda xiri ta' bonds korporattivi tas-settur pubblika li jkunu nħarġu ġodda jew ittappjati, jew ta' bonds korporattivi tas-settur pubbliku maħruġa mill-istess entità jew mill-entitajiet fi ħdan il-grupp tal-emittent b'maturitajiet li jiskadu qrib fiż-żmien għal, jew kemmxejn qabel jew wara, il-maturità tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli li għandhom jinħarġu jew jiġu ttappjati, fuq perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 4

Limiti tax-xiri

1.   Limitu ta' ħruġ ta' ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt is-CSPP, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu tal-ħruġ ta' ishma għandu jkun ta' 70 % għal kull ISIN għall-bonds korporattivi kollha minbarra bonds korportattivi tas-settur pubbliku.

Limitu aktar baxx tal-ħruġ ta' ishma jista' japplika f'każijiet speċifiċi, inkluż għal bonds korporattivi tas-settur pubbliku jew għal raġunijiet tal-ġestjoni tar-riskju. Bonds korporattivi tas-settur pubbliku għandhom jiġu indirizzati b'mod konsistenti mat-trattament tagħhom taħt il-PSPP.

2.   L-Eurosistema għandha twettaq proċeduri xierqa tar-riskju tal-kreditu u tad-diliġenza dovuta fuq bonds korporattivi eliġibbli fuq bażi kontinwa.

3.   L-Eurosistema għandha tiddefinixxi limiti ta' xiri addizzjonali għal gruppi ta' emittenti bbażati fuq allokazzjoni ta' punt ta' riferiment relatat mal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-grupp tal-emittent sabiex tiġi gurata allokazzjoni diversifikata ta' xirjiet fuq medda ta' emittenti u gruppi ta' emittenti.

Artikolu 5

Banek ċentrali tal- Eurosistema li jixtru

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jixtru bonds korporattivi taħt is-CSPP għandhom ikunu speċifikati f'lista ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE. L-Eurosistema għandha tapplika skema ta' speċjalizzazzjoni għall-allokazzjoni ta' bonds korporattivi li għandhom jinxtraw taħt is-CSPP li tkun ibbażata fuq il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittent. Il-Kunsill Governattiv għandu jippermetti devjazzjonijiet ad hoc mill-iskema ta' speċjalizzazzjoni jekk ikun hemm konsiderazzjonijiet oġġettivi li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-iskema jew jekk dawk id-devjazzjonijiet ikunu rakkomandazzjoni sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika monetarja ġenerali tas-CSPP. B'mod partikolari, kull bank ċentrali speċifikat tal-Eurosistema għandu jixtri biss bonds korporattivi eliġibbli maħruġa minn emittenti inkorporati fi Stati Membri speċifikati fi ħdan iż-żona tal-euro. L-allokazzjoni ġeografika tal-pajjiżi ta' inkorporazzjoni tal-emittenti ta' bonds korporattivi eliġibbli b'rabta mal-banek ċentrali speċifikati tal-Eurosistema għandha tiġi stipulata f'lista ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE.

Artikolu 6

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għas-CSPP, kemm għal transazzjonijiet definittivi kif ukoll għal transazzjonijiet ta' self ta' titoli li jinvolvu bonds iggarantiti miżmuma fil-portafolli CSPP tal-Eurosistema:

(a)

entitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60); u

(b)

kwalunkwe kontropartijiet oħra li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta' investiment tagħhom iddenominati f'euro.

Artikolu 7

Transazzjonijiet ta' self ta' titoli

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jixtru bonds korporattivi taħt is-CSPP għandhom jagħmlu disponibbli għas-self titoli mixtrijin taħt is-CSPP, inklużi repos, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-CSPP.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju 2016.

Magħmul fi Vjenna, l-1 ta' Ġunju 2016.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).

(2)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).

(3)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/774 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (ĠU L 121, 14.5.2015, p. 20).

(4)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/34 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-29 ta' Lulju 2014 dwar miżuri fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (ĠU L 258, 29.8.2014, p. 11).

(5)  Id-Deċiżjoni (UE) 2016/810 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar it-tieni serje ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati iktar fit-tul (BĊE/2016/10) (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 107).

(6)  Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament dwar il-Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(10)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)

(11)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(12)  Lista ta' dawn l-entitajiet hija ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

(13)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104 B(1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).


Rettifika

15.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/33


Rettifika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenzagħall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 138 tal-24 ta' Mejju 2013 )

It-titolu fil-paġna tal-Werrej u t-titolu fil-paġna 15:

minflok:

“Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenzagħall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)”,

aqra:

“Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/233/PESK tat-22 ta' Mejju 2013 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya)”.