ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
10 ta' Ġunju 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/907 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar il-forniment ta' assistenza relatata ma' attivitajiet militari lill-Côte d'Ivoire u r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju

1

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/908 tas-26 ta' Frar 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha ( 1 )

3

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/909 tal-1 ta' Marzu 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut tan-notifiki li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti u l-kumpilazzjoni, il-pubblikazzjoni u ż-żamma tal-lista ta' notifiki ( 1 )

13

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/910 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi

23

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/911 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment ( 1 )

25

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/912 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1303/2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-sikurezza fil-mini ferrovjarji tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea ( 1 )

28

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/913 tad-9 ta' Ġunju 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

29

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/914 tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar il-prezz massimu għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti fi ħdan il-proċedura tas-sejħa għall-offerti miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/826

31

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali

32

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/916 tas-6 ta' Ġunju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Linja baġitarja 02.03.01)

35

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/917 tad-9 ta' Ġunju 2016 li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Cote d'Ivoire

38

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/907

tad-9 ta' Ġunju 2016

li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar il-forniment ta' assistenza relatata ma' attivitajiet militari lill-Côte d'Ivoire u r-Regolament (KE) Nru 560/2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/917 tad-9 ta' Ġunju 2016 li tħassar id-Deċiżjoni 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' April 2016, il-Kunsill tas-Sigurtá tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2283 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li temmet f'effett immedjat, is-sanzjonijiet kollha tan-NU kontra l-Côte d'Ivoire.

(2)

Fid-29 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill ħassar il-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK (2).

(3)

Fid-9 ta' Ġunju 2016, il-Kunsill ħassar id-Deċiżjoni 2010/656/PESK (3).

(4)

Ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 (4) u (KE) Nru 560/2005 (5) għandhom għalhekk jitħassru,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 u r-Regolament (KE) Nru 560/2005 huma mħassrin.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G.A. VAN DER STEUR


(1)  Ara l-paġna 38 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK tat-13 ta' Diċembru 2004 dwar miżuri restrittivi kontra l-Kosta tal-Avorju (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK tad-29 ta' Ottubru 2010 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 tal-31 ta' Jannar 2005 li jimponi restrizzjonijiet dwar il-forniment ta' assistenza relatata ma' attivitajiet militari lill-Côte d'Ivoire (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 560/2005 tat-12 ta' April 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet minħabba s-sitwazzjoni fil-Kosta tal-Avorju (ĠU L 95, 14.4.2005, p. 1).


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/908

tas-26 ta' Frar 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji, il-proċedura u r-rekwiżiti biex tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettata u r-rekwiżiti biex tinżamm, tiġi terminata jew jiġu modifikati l-kundizzjonijiet għall-aċċettazzjoni tagħha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikulari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(7) tiegħu,

Billi:

(1)

L-ispeċifikazzjoni ta' kriterji, proċeduri u rekwiżiti komuni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' arranġament uniformi fl-isfera ta' prattiki tas-suq aċċettati (AMPs), ittejjeb iċ-ċarezza tar-reġim legali li skontu dawn il-prattiki huma permessi u tippromwovi imġieba ġusta u effiċjenti fost il-parteċipanti fis-suq. Għandha tirrinforza wkoll il-funzjonament ordnat tas-suq u l-integrità tas-suq.

(2)

Sabiex tassigura li AMPs ma jkunux ta' theddida għall-innovazzjoni u t-tkomplija tal-iżvilupp dinamiku tas-swieq finanzjarji, xejriet ġodda jew ta' swieq emerġenti li jistgħu jirriżultaw fi prattiki tas-suq ġodda m'għandhomx awtomatikament jiġu preżunti li mhumiex aċċettabbli mill-awtoritajiet kompetenti. Minflok, dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk tali prattiki tas-suq jikkonformawx mal-kriterji stipulati f'dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 596/2014.

(3)

AMPs għandhom jiġu kondotti f'manjiera li tiżgura l-integrità tas-suq u l-ħarsien tal-investitur mingħajr ma joħolqu riskji għal parteċipanti oħra fis-suq u għal swieq oħra relatati. Konsegwentement, għandha tingħata attenzjoni dovuta lit-trasparenza u l-kundizzjonijiet li jiggvernaw il-prattiki tas-suq proposti għall-klassifikazzjoni bħala AMPs. Meta jiġi vvalutat il-livell ta' trasparenza ta' prattiki tas-suq proposti bħala AMPs kemm għall-pubbliku u kemm għall-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-istadji varji tat-twettiq ta' AMPs potenzjali. Konsegwentement, huwa xieraq li rekwiżiti ta' trasparenza speċifiċi għandhom jiġu stipulati għal dawk l-istadji, partikularment qabel l-AMP titwettaq minn parteċipanti tas-suq, matul it-twettiq tagħha u meta l-parteċipanti tas-suq jieqfu jwettqu l-AMP.

(4)

Prattiki tas-suq li jistgħu jiġu stabbiliti minn awtoritajiet kompetenti bħala AMPs jistgħu jkunu differenti fit-tip u n-natura. Meta tkun qed tistabbilixxi prattika tas-suq bħala AMP, awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-frekwenza tad-divulgazzjoni meħtieġa mill-persuni kollha li se jwettquha sabiex tiżgura li hija adattata u xierqa għall-prattika tas-suq inkwistjoni. Il-frekwenza ta' divulgazzjoni għandha tilħaq bilanċ bejn il-ħtieġa li l-pubbliku jkun infurmat u li l-awtorità kompetenti tkun ipprovduta b'informazzjoni għall-monitoraġġ għaddej u l-piż fuq dawk li jwettqu l-AMP sabiex jiddivulgaw informazzjoni perjodikament. Barra minn hekk, meta jivvalutaw prattika tas-suq li tista' titwettaq barra minn ċentru tan-negozjar, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw jekk ir-rekwiżit għal livell sostanzjali ta' trasparenza għas-suq intlaħaqx.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti li jkunu aċċettaw prattika tas-suq għandhom jiżguraw li hija mmonitorjata adegwatament b'diliġenza u attenzjoni dovuta. Għaldaqstant, persuni li jwettqu l-prattika tas-suq għandhom ikunu meħtieġa li jżommu rekords suffiċjenti tat-tranżazzjonijiet u l-ordnijiet kollha sabiex l-awtoritajiet kompletament jkunu jistgħu jissodisfaw il-funzjonijiet superviżorji tagħhom u jwettqu l-azzjonijiet ta' infurzar previsti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014. Huwa tal-għola importanza wkoll li l-attività tat-twettiq tal-prattika tas-suq tkun tista' tingħaraf minn attivitajiet oħra ta' negozju li jwettqu fuq il-kont tagħhom stess jew fuq il-kont ta' klijenti. Dan jista' jintlaħaq billi jinżammu kontijiet separati.

(6)

L-istatus tal-entità li twettaq il-prattika tas-suq aċċettata hija element partikulari li jrid jiġi kkunsidrat, speċjalment meta dik l-entità tkun qed taġixxi f'isem jew fuq kont ta' persuna oħra li hija l-benefiċjarja diretta tal-prattika tas-suq. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk il-fatt li tkun persuna taħt superviżjoni huwa rilevanti għall-aċċettazzjoni ta' prattika tas-suq partikulari taħt konsiderazzjoni.

(7)

Meta jiġi vvalutat l-impatt ta' prattiki tas-suq propost għall-klassifikazzjoni bħala AMPS fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-objettiv ta' prattiki tas-suq, pereżempju, jekk, f'ċirkustanza partikolari, l-objettiv huwa li jiġu promossi prattiki tas-suq kummerċjali regolari ta' strumenti finanzjarji mhux likwidi, sabiex jiġi evitat kull abbuż mis-suq, jew li tipprovdi kwotazzjonijiet meta jkun hemm riskju li ma jkunx hemm kontropartijiet għal operazzjonijiet kummerċjali jew li jiġu ffaċilitati l-operazzjonijiet ordnati fejn parteċipant għandu pożizzjoni dominanti. Fir-rigward tal-prezzijiet, dawn l-objettivi jistgħu wkoll ifittxu li jimminimizzaw il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet minħabba firxiet eċċessivi u limitati tal-provvista jew id-domanda ta' strument finanzjarju mingħajr ma jiġi kompromess l-iżvilupp tas-suq, li jipprovdi trasparenza fil-prezzijiet jew biex tiffaċilita evalwazzjoni ġusta tal-prezzijiet fi swieq fejn ħafna tranżazzjonijiet huma mwettqa 'l barra minn ċentru tan-negozjar.

(8)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(9)

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(10)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament ikunu japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DIŻPOŻIZZJONI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “persuni taħt superviżjoni” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

ditti tal-investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

(b)

istituzzjonijiet ta' kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

(c)

kontropartijiet finanzjarji kif definit fl-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(d)

kwalunkwe persuna soġġetta għal awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali u s-superviżjoni minn “awtorità finanzjarja kompetenti” jew “awtorità regolatorja nazzjonali” kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(e)

kwalunkwe persuna soġġetta għal awtorizzazzjoni, rekwiżiti organizzazzjonali u s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, ir-regolaturi u l-aġenziji responsabbli għal swieq tal-komoditajiet attwali jew tad-derivattivi;

(f)

operaturi b'obbligi ta' konformità skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra.

KAPITOLU II

PRATTIKI TAS-SUQ AĊĊETTATI

TAQSIMA 1

L-istabbiliment ta' prattika tas-suq aċċettata

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.   Qabel ma jistabbilixxu prattika tas-suq bħala prattika tas-suq aċċettata (AMP) l-awtoritajiet kompetenti għandhom:

(a)

jevalwaw il-prattika tas-suq kontra kull wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u speċifikati aktar fit-Taqsima 2 ta' dan il-Kapitolu;

(b)

jikkonsultaw kif xieraq mal-korpi rilevanti inkluż, bħala minimu, rappreżentanti tal-emittenti, id-ditti ta' investiment, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-investituri, il-parteċipanti fis-suq tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-operaturi tas-suq li joperaw faċilità multilaterali tan-negozjar (MTF) jew f'faċilità organizzata tan-negozjar (OTF) u l-operaturi ta' suq regolat, u awtoritajiet oħra dwar kemm hu xieraq li tiġi stabbilita prattika tas-suq bħala AMP.

2.   L-awtoritajiet kompetenti li għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu prattika tas-suq bħala AMP għandhom jinnotifikaw lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra dwar dik l-intenzjoni skont il-proċedura stipulata fit-Taqsima 3, bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness.

3.   Meta l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu prattika tas-suq bħala AMP f'konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u ma' dan ir-Regolament, għandhom jippubblikaw fuq is-sit elettroniku tagħhom id-deċiżjoni li tistabbilixxi prattika tas-suq bħala AMP u deskrizzjoni AMP konċernat, skont il-mudell stabbilit fl-Anness li jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tat-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP;

(b)

deskrizzjoni tat-tipi ta' persuna jew grupp ta' persuni li jistgħu jibbenefikaw mill-prestazzjoni tal-AMP, jew billi jwettqu dan direttament jew permezz tal-ħatra ta' persuna oħra li jwettqu l-AMP (“benefiċjarju”);

(c)

deskrizzjoni tat-tip ta' strument finanzjarju li għalih tirrelata l-AMP;

(d)

indikazzjoni ta' jekk l-AMP tistax titwettaq għal perjodu speċifiku ta' żmien u deskrizzjoni ta' sitwazzjonijiet jew kondizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, is-sospensjoni jew it-tmiem ta' din il-prattika.

Il-persuni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe deċiżjoni ta' negozjar, inklużi, is-sottomissjoni ta' ordni, il-kanċellazzjoni jew l-emenda ta' ordni, u l-konklużjoni ta' tranżazzjoni jew għat-twettiq ta' negozjar b'rabta mal-AMP.

TAQSIMA 2

Speċifikazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu stabbiliti prattiki tas-suq

Artikolu 3

Trasparenza

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq tistax tkun stabbilita bħala AMP u jekk tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw jekk il-prattika tas-suq tkunx tiżgura li l-informazzjoni li ġejja se jiġu żvelati lill-pubbliku:

(a)

qabel ma titwettaq il-prattika tas-suq bħala AMP:

(i)

l-identitajiet tal-benefiċjarji u l-persuni li se jwettquha u l-persuna fosthom li hija responsabbli li tissodisfa r-rekwiżiti ta' trasparenza skont il-punti (b) u (c) ta' dan il-paragrafu;

(ii)

l-identifikazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li għalihom l-AMP għandu japplika;

(iii)

il-perjodu li matulu l-AMP se titwettaq u sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li jwasslu għall-interruzzjoni temporanja, is-sospensjoni jew it-tmiem tat-twettiq tagħha;

(iv)

l-identifikazzjoni tal-postijiet tan-negozjar li fihom l-AMP se titwettaq, u, fejn applikabbli, indikazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet barra minn ċentru tan-negozjar;

(v)

referenza għall-ogħla ammonti ta' flus kontanti u ta' numru ta' strumenti finanzjarji allokati għat-twettiq tal-AMP, jekk applikabbli.

(b)

ġaladarba l-prattika tas-suq titwettaq bħala AMP:

(i)

fuq bażi perjodika, dettalji tal-attività ta' negozjar relatati mal-prestazzjoni tal-AMP bħall-għadd ta' tranżazzjonijiet eżegwiti, volum innegozjat, id-daqs medju tat-tranżazzjonijiet u firxiet medji kwotat, il-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet eżegwiti;

(ii)

kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni li kienet żvelata preċedentament dwar l-AMP, inklużi bidliet relatati mar-riżorsi disponibbli f'termini ta' flus u strumenti finanzjarji, bidla li tirrigwarda l-identità tal-persuni li jwettqu l-AMP, u kull bidla fl-allokazzjoni ta' flus kontanti jew ta' strumenti finanzjarji fil-kontijiet tal-benefiċjarju u l-persuni li jwettqu l-AMP.

(c)

meta l-prattika tas-suq ma tibqax titwettaq bħala AMP fuq l-inizjattiva tal-persuna li kienet qed twettaqha, tal-benefiċjarju jew tat-tnejn li huma:

(i)

il-fatt li t-twettiq tal-AMP waqaf;

(ii)

deskrizzjoni ta' kif tkun twettqet l-AMP;

(iii)

ir-raġunijiet jew il-kawżi għat-twaqqif tat-twettiq tal-AMP.

Għall-finijiet tal-punt (b)(i), fejn diversi tranżazzjonijiet huma mwettqa f'sessjoni waħda ta' negozju, iċ-ċifri aggregati ta' kuljum jistgħu jkunu aċċettabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-kategoriji xierqa ta' informazzjoni.

2.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq tistax tkun stabbilita bħala AMP u jekk tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw jekk il-prattika tas-suq tkunx tiżgura li l-informazzjoni li ġejja se jiġu żvelati lilhom:

(a)

qabel ma prattika tas-suq titwettaq bħala AMP, l-arranġamenti jew il-kuntratti bejn benefiċjarji identifikati u l-persuni li se jwettqu l-prattika tas-suq ġaladarba tkun stabbilita bħala AMP fejn dawn l-arranġamenti jew kuntratti huma meħtieġa għat-twettiq tagħha;

(b)

ġaladarba din il-prattika tas-suq hija mwettqa bħala AMP, rapport perjodiku lill-awtorità kompetenti li jipprovdi dettalji dwar it-tranżazzjonijiet eżegwiti u dwar l-operazzjonijiet ta' kwalunkwe arranġament jew kuntratt bejn il-benefiċjarju u l-persuni li jwettqu l-AMP.

Artikolu 4

Salvagwardji tal-operazzjonijiet tal-forzi tas-suq u l-interazzjoni tal-forzi tal-provvista u d-domanda

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (b) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw jekk il-prattika tas-suq tkunx tillimita l-opportunitajiet għal parteċipanti oħra fis-suq li jirreaġixxu għal tranżazzjonijiet. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw ukoll tal-inqas il-kriterji li ġejjin dwar it-tipi ta' persuni li ser iwettqu l-prattika tas-suq, ladarba jkunu stabbiliti bħala AMP:

(a)

jekk humiex persuni taħt sorveljanza;

(b)

jekk humiex membri ta' ċentru ta' negozjar fejn l-AMP se titwettaq;

(c)

jekk iżommux rekords tal-ordnijiet u tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw il-prattika tas-suq imwettqa b'mod li jippermetti li jingħarfu faċilment minn attivitajiet kummerċjali oħra, inkluż permezz taż-żamma ta' kontijiet separati għat-twettiq tal-AMP, b'mod partikolari biex juri li l-ordnijiet introdotti jiddaħħlu separatament u b'mod individwali mingħajr ma jaggregaw ordnijiet minn diversi klijenti;

(d)

jekk ikunu daħħlu fis-seħħ proċeduri interni speċifiċi li jippermettu:

(i)

l-identifikazzjoni immedjata tal-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-prattika tas-suq;

(ii)

id-disponibbiltà malajr tar-rekords tal-ordnijiet u t-tranżazzjonijiet rilevanti lill-awtorità kompetenti meta mitluba;

(e)

jekk ikollhomx ir-riżorsi għall-konformità u l-verifika meħtieġa biex ikunu jistgħu jissorveljaw u jiżguraw il-konformità kontinwa mal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-AMP;

(f)

jekk iżommux ir-rekords imsemmija fil-punt (c) għal perjodu ta' mill-inqas ħames snin.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu sa fejn il-prattika tas-suq tistabbilixxi lista ex ante tal-kundizzjonijiet ta' kummerċ għat-twettiq tagħha bħala AMP, inklużi limiti fir-rigward ta' prezzijiet u volumi u limiti fuq il-pożizzjonijiet.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw sa fejn il-prattika tas-suq u l-arranġament jew kuntratt għat-twettiq tagħha:

(a)

jippermettu lill-persuna li twettaq l-AMP li taġixxi b'mod indipendenti mill-benefiċjarju mingħajr ma tkun soġġetta għal istruzzjonijiet, informazzjoni jew influwenza mill-benefiċjarju fir-rigward tal-mod li bih għandu jitwettaq in-negozjar;

(b)

jipprevedu l-evitar ta' konflitti ta' interess bejn il-benefiċjarju u l-klijenti tal-persuna li twettaq l-AMP.

Artikolu 5

Impatt fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq.

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw l-impatt li jkollha l-prattika tas-suq għallinqas fuq dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-volum nnegozjat;

(b)

l-għadd ta' ordnijiet fir-reġistru tal-ordnijiet (il-fond tal-ordni);

(c)

il-ħeffa tal-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet;

(d)

prezz medju peżat skont il-volum ta' prezz tal-għeluq ta' kuljum ta' sessjoni unika;

(e)

il-firxa prezz/offerta, ċaqliq fil-prezzijiet u l-volatilità;

(f)

ir-regolarità ta' kwotazzjonijiet jew tranżazzjonijiet.

Artikolu 6

Impatt fuq il-funzjonament xieraq tas-suq

1.   Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (d) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawn l-elementi li ġejjin:

(a)

il-possibbiltà li l-prattika tas-suq tista' taffettwa l-proċessi ta' formazzjoni tal-prezzijiet f'ċentru tan-negozjar;

(b)

il-limitu sa fejn il-prattika tas-suq tista' tiffaċilita l-evalwazzjoni ta' prezzijiet u ordnijiet mdaħħla fil-ktieb tal-ordnijiet u jekk it-tranżazzjonijiet li għandhom jitwettqu jew ordnijiet li għandhom ikunu introdotti għat-twettiq tagħha bħala AMP jiksrux ir-regoli korrispondenti ta' negozjar tal-post tan-negozjar;

(c)

il-modalitajiet li bihom l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tiġi żvelata lill-pubbliku anki fejn din tkun żvelata fuq is-sit elettroniku tal-pjattaforma tan-negozju rilevanti u, meta xieraq, fejn fl-istess ħin tkun rilaxxata fuq is-siti elettroniċi tal-benefiċjarji;

(d)

il-limitu sa fejn il-prattika tas-suq tistabbilixxi lista ex ante ta' sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet meta t-twettiq tagħha bħala AMP jiġi temporanjament sospiż jew ristrett, fost oħrajn perjodi ta' negozjar jew fażijiet partikolari bħal fażijiet tal-irkant, akkwiżizzjonijiet, offerti pubbliċi inizjali, żidiet fil-kapital, offerti sekondarji.

Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, prattika tas-suq fejn tranżazzjonijiet u ordnijiet jkunu ssorveljati f'ħin reali mill-operatur tas-suq jew id-ditta ta' investiment jew l-operaturi tas-suq li jħaddmu MTF jew OTF għandhom jiġu kkunsidrati wkoll.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw sa liema punt il-prattika tas-suq jippermetti:

(a)

ordnijiet relatati mal-eżekuzzjoni tagħha li għandhom jiġu ppreżentati u mwettqa matul il-fażijiet tal-irkant tal-ftuħ jew tal-għeluq ta' sessjoni tan-negozjar;

(b)

ordnijiet jew tranżazzjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tagħha li jiġu introdotti jew imwettqa matul perjodi meta jitwettqu operazzjonijiet ta' xiri lura u ta' stabilizzazzjoni.

Artikolu 7

Riskji għall-integrità ta' swieq relatati

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (e) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu:

(a)

jekk it-tranżazzjonijiet relatati mat-twettiq tal-prattika tas-suq, ġaladarba jkunu stabbiliti bħala AMP jiġux irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi regolari;

(b)

jekk ir-riżorsi (flus kontanti jew strumenti finanzjarji) allokati għat-twettiq tal-AMP huma proporzjonati u konformi mal-objettivi tal-AMP innifsu;

(c)

in-natura u l-livell ta' kumpens għal servizzi pprovduti fi ħdan għat-twettiq ta' AMP u jekk dan il-kumpens huwiex stabbilit bħala ammont fiss; fejn kumpens varjabbli huwa propost, m'għandux iwassal għal imġiba li tista' tkun ta' ħsara għall-integrità tas-suq jew għall-funzjonament ordnat tas-suq u għandu jkun disponibbli għall-awtorità kompetenti għal valutazzjoni;

(d)

jekk it-tip ta' persuni li ser iwettqu l-AMP jiżguraw, fejn xieraq għas-suq taħt konsiderazzjoni, separazzjoni adegwata tal-assi ddedikati għat-twettiq tal-AMP mill-assi tal-klijenti tagħha, jekk ikun hemm, jew l-assi tagħha stess;

(e)

jekk il-kompiti rispettivi tal-benefiċjarji u tal-persuni li jwettqu l-AMP jew, fejn xieraq, id-dazji kondiviżi minnhom humiex definiti b'mod ċar;

(f)

jekk it-tip ta' persuni li se jwettqu l-AMP jkollhomx fis-seħħ struttura organizzattiva u arranġamenti interni adegwati biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet tal-kummerċ dwar l-AMP jibqgħu kunfidenzjali minn unitajiet oħra fi ħdan dik il-persuna u indipendenti minn ordnijiet għan-negozjar li jaslu mingħand il-klijenti, ġestjoni ta' portafoll jew ordnijiet li jsiru f'isimha;

(g)

jekk il-proċess ta' rappurtar adegwat bejn il-benefiċjarju u l-persuna li se jwettqu l-AMP jinsabx f'postu biex jippermetti l-iskambju ta' tagħrif meħtieġ biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali jew legali rispettivi tagħhom, jekk applikabbli.

Artikolu 8

Investigazzjoni tal-prattika tas-suq

Fid-determinazzjoni ta' jekk prattika tas-suq proposta li tkun stabbilita bħala AMP tkunx tissodisfa l-kriterju stipulat fil-punt (f) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-awtoritajiet kompetenti għandhom b'mod partikulari jikkunsidraw ir-riżultat ta' kwalunkwe investigazzjoni fis-swieq li jimmonitorjaw li jistgħu jiddubitaw l-AMP li tkun se tiġi stabbilita.

Artikolu 9

Karatteristiċi strutturali tas-suq

Meta tittieħed inkonsiderazzjoni, skont il-punt (g) tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-parteċipazzjoni ta' investituri fil-livell ta' konsum fis-suq rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw mill-inqas:

(a)

l-impatt li l-prattika tas-suq jista' jkollha fuq l-interessi tal-investituri fil-livell ta' konsum fejn il-prattika tas-suq tikkonċerna l-istrumenti finanzjarji nnegozjati fi swieq li fihom l-investituri fil-livell tal-konsum jipparteċipaw;

(b)

jekk il-prattika tas-suq iżżid il-probabbiltà li investituri bl-imnut li jsibu kontropartijiet fi strumenti finanzjarji b'likwidità baxxa, mingħajr ma żżid ir-riskji sostnuti minnhom.

TAQSIMA 3

Proċeduri

Artikolu 10

Notifika meta jkun hemm l-intenzjoni li tiġi stabbilita prattika tas-suq aċċettabbli

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw, f'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-intenzjoni tagħhom li jistabbilixxu AMP bil-posta jew bl-e-Mail lill-ESMA u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra simultanjament, bl-użu ta' lista ta' punti ta' kuntatt identifikati minn qabel li għandhom jiġu stabbiliti u mantenuti b'mod regolari mill-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni tal-intenzjoni li tiġi stabbilita AMP, inkluż id-data mistennija ta' stabbiliment;

(b)

l-identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti li tinnotifika u d-dettalji ta' kuntatt tal-persuna(i) ta' kuntatt fi ħdan l-awtorità kompetenti (l-isem, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-posta elettronika professjonali, titlu);

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-prattika tas-suq inkluż:

(i)

l-identifikazzjoni tat-tipi ta' strument finanzjarju u ċentri tan-negozjar li fihom se titwettaq l-AMP;

(ii)

it-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP;

(iii)

it-tip ta' benefiċjarji;

(iv)

l-indikazzjoni ta' jekk il-prattika tas-suq tistax titwettaq għal perjodu speċifikat ta' żmien u ta' kwalunkwe sitwazzjonijiet jew kondizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, sospensjoni jew terminazzjoni ta' din il-prattika.

(d)

ir-raġuni li għaliha l-prattika tista' tikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014;

(e)

id-dettalji tal-valutazzjoni li ssir skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi t-tabella għall-valutazzjoni ta' prattika tas-suq proposta bl-użu tal-mudell fl-Anness.

Artikolu 11

Opinjoni tal-ESMA

1.   Wara li tirċievi n-notifika msemmija fl-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u qabel ma toħroġ l-opinjoni meħtieġa skont dak il-paragrafu, l-ESMA għandha tagħti bidu, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' kwalunkwe awtorità kompetenti, proċess biex tipprovdi lill-awtorità kompetenti li tinnotifika b'kummenti, tħassib, nuqqas ta' ftehim jew talba għal kjarifiki preliminari, jekk ikun hemm, dwar il-prattika tas-suq notifikata. L-awtorità kompetenti li tinnotifika tista' tipprovdi kjarifika ulterjuri dwar il-prattika tas-suq innotifikat lill-ESMA.

2.   Fejn matul il-proċess imsemmi fil-paragrafu 1, kwalunkwe bidla fundamentali jew sinifikanti li taffettwa l-bażi jew is-sustanza tal-prattika tas-suq notifikata jew il-valutazzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti li tinnotifika, il-proċess tal-ħruġ tal-opinjoni tal-ESMA dwar il-prattika notifikata għandu jitwaqqaf. Jekk ikun il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tibda proċess ġdid għall-istabbiliment ta' żvilupp bħala mudell modifikat f'konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

TAQSIMA 4

Manteniment, modifikazzjoni u terminazzjoni ta' prattiki tas-suq aċċettati

Artikolu 12

Eżami ta' AMP stabbilita

1.   L-awtoritajiet kompetenti li jkunu stabbilixxew AMPs għandhom jivvalutaw regolarment, u mill-inqas kull sentejn, jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-AMP stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 u fit-Taqsima 2 ta' dan il-Kapitolu jibqgħux jiġu sodisfatti.

2.   Minkejja l-eżami regolari skont l-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, il-proċess ta' valutazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi attivat ukoll:

(a)

meta kwalunkwe sanzjoni li tinvolvi AMP stabbilita tiġi imposta;

(b)

meta minħabba bidla sinifikanti fl-ambjent tas-suq imsemmi fl-Artikolu 13(8) ta' dan ir-Regolament, xi waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet ta' aċċettazzjoni ta' prattika stabbilita ma jibqgħux jiġu ssodisfati;

(c)

meta awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tissuspetta li azzjonijiet kontra r-Regolament (UE) Nru 596/2014 qed jiġu jew ġew imwettqa minn benefiċjarji tal-AMP, jew minn persuni li jwettquha.

3.   Fil-każ li l-valutazzjoni tiżvela li AMP stabbilita ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet kompetenti oriġinali ta' evalwazzjoni stabbilixxew fit-Taqsima 2, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jew jipproponu modifika tal-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni jew jitterminaw l-AMP, b'kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13.

4.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ESMA dwar l-eżitu tal-proċess ta' evalwazzjoni, inkluż meta l-AMP tinżamm mingħajr modifikazzjoni.

5.   Fejn awtorità kompetenti tipproponi li timmodifika l-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni ta' AMP stabbilita, din għandha tikkonforma mar-rekwiżiti fl-Artikolu 2.

6.   Fejn awtorità kompetenti tiddeċiedi li ttemm AMP stabbilita, għandha tiżvela pubblikament u tikkomunika simultanjament id-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra kollha u lill-ESMA, waqt li tindika d-data ta' terminazzjoni, bil-għan li tiġi aġġornata l-lista ta' AMPs ippubblikata minnha skont l-Artikolu 13(9) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014.

Artikolu 13

Kriterji għall-modifikazzjoni jew it-terminazzjoni ta' AMP stabbilita

Fid-determinazzjoni ta' jekk itemmux AMP stabbiliti jew jipproponux modifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-aċċettazzjoni tagħha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu:

(a)

sa liema punt il-benefiċjarji jew il-persuni li jwettqu l-AMP ikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti skont dak l-AMP;

(b)

sa liema punt il-komportament tal-benefiċjarji jew tal-persuni li jwettqu xi AMP irriżulta fil-fatt li kwalunkwe wieħed mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ma baqax jiġi sodisfatt;

(c)

sa liema punt l-AMP ma ntużatx minn parteċipanti tas-suq għal perjodu ta' żmien;

(d)

jekk bidla sinifikanti fl-ambjent tas-suq rilevanti msemmi fl-Artikolu 13(8) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tirriżulta fl-impossibbiltà li xi waħda mill-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-AMP ma tibqax sodisfatta jew li ma jkunx meħtieġ li tiġi sodisfatta, b'kunsiderazzjoni, b'mod partikolari:

(i)

jekk l-objettiv ta' din l-AMP sar impossibbli;

(ii)

jekk l-użu kontinwu tal-AMP stabbilita jistax jaffettwa b'mod ħażin l-integrità jew l-effiċjenza tas-swieq taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(e)

jekk teżistix sitwazzjoni li taqa' taħt kwalunkwe dispożizzjoni ta' terminazzjoni ġenerali fl-AMP stabbilita innifisha.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, is-26 ta' Frar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).


ANNESS

Mudell għan-notifikazzjoni tal-intenzjoni li jiġu stabbiliti prattiki tas-suq aċċettati

Prattiki tas-suq aċċettati (AMP) dwar [daħħal isem l-AMP]

Data proposta ta' stabbiliment tal-AMP: [daħħal id-data meta l-AMP hija maħsuba li tiġi stabbilita billi tiġi nnotifikata l-awtorità kompetenti]

Deskrizzjoni tal-AMP:

[daħħal it-test, inkluż l-identifikazzjoni tat-tipi ta' strument finanzjarju u ċentri ta' negozjar li fuqhom l-AMP se tiġi mwettqa; it-tipi ta' persuni li jistgħu jwettqu l-AMP; it-tipi ta' benefiċjarji, u, l-indikazzjoni ta' jekk il-prattika tas-suq tistax tiġi mwettqa għal perjodu ta' żmien determinat u ta' kwalunkwe sitwazzjonijiet jew kundizzjonijiet li jwasslu għal interruzzjoni temporanja, sospensjoni jew terminazzjoni tal-prattika]

Raġunijiet li għalihom il-prattika tista' tikkostitwixxi manipulazzjoni tas-suq

[daħħal it-test]

VALUTAZZJONI

Lista ta' kriterji kkunsidrati

Konklużjoni tal-awtorità kompetenti u raġunijiet

(a)

Livell ta' trasparenza pprovdut lis-suq

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(b)

Il-livell ta' salvagwardji tal-operat tal-forzi tas-suq u tal-interazzjoni xierqa bejn il-forzi tal-forniment u t-talba.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(c)

L-impatt fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-suq.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(d)

Il-mekkaniżmu tan-negozju tas-suq rilevanti u l-possibbiltà għal parteċipanti fis-suq li jirreaġixxu b'mod xieraq u fil-ħin għas-sitwazzjoni tas-suq ġdida maħluqa b'din il-prattika.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(e)

Ir-riskji diretti u indiretti għall-integrità ta' swieq relatati, sew jekk regolati u sew jekk le, fl-istrumenti finanzjarji rilevanti fl-Unjoni.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(f)

L-eżitu ta' kwalunkwe investigazzjoni tal-prattika tas-suq rilevanti minn xi awtorità kompetenti jew minn awtorità oħra, b'mod partikolari jekk il-prattika tas-suq rilevanti kisret ir-regoli jew ir-regolamenti mfassla sabiex jipprevjenu l-abbuż tas-suq, jew kodiċi ta' mġiba, irrispettivament minn jekk tkunx tikkonċerna, direttament jew indirettament, is-suq rilevanti jew swieq relatati fi ħdan l-Unjoni.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]

(g)

Il-karatteristiċi strutturali tas-suq rilevanti, fost oħrajn, jekk huwiex regolat jew le, it-tipi ta' strumenti finanzjarji nnegozjati u t-tip ta' parteċipanti fis-suq, inkluż il-medda tal-parteċipazzjoni ta' investituri bl-imnut fis-suq rilevanti.

[daħħal it-test biex timla' r-raġuni għal dan il-kriterju]


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/13


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/909

tal-1 ta' Marzu 2016

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar il-kontenut tan-notifiki li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti u l-kumpilazzjoni, il-pubblikazzjoni u ż-żamma tal-lista ta' notifiki

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-Il-Ġimgħa, 16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li għandu jiġi adottat f'konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeżiġi sottomissjonijiet kontinwi ta' dejta ta' referenza ta' identifikazzjoni għal strumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar. B'kuntrast ma' dan, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 jirrekjedi li ċ-ċentri tan-negozjar għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti darba biss bid-dettalji tal-istrumenti finanzjarji li jkunu suġġett ta' talba għall-ammissjoni għan-negozjar, ammessi għan-negozjar jew innegozjati, u darba wara li strument finanzjarju ma jibqax jiġi negozjat jew ma jibqax ammess għan-negozjar. Suġġett għad-differenza msemmija fl-obbligi ta' rappurtat skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u r-Regolament Delegat imsemmi qabel, l-obbligi ta' rappurtar skont dan ir-Regolament għandhom jiġu allinjati mal-obbligi ta' rappurtar taħt ir-Regolament Delegat imsemmi hawn fuq sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq entitajiet soġġetti għal tali obbligi.

(2)

Sabiex jista' jkun hemm l-użu effettiv u effiċjenti tal-lista ta' notifiki ta' strumenti finanzjarji, iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jipprovdu notifiki sħaħ u preċiżi ta' strumenti finanzjarji. Għall-istess raġunijiet, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorveljaw u jevalwaw in-notifiki tal-istrumenti finanzjarji li jirċievu miċ-ċentri tan-negozjar għall-kompletezza u l-preċiżjoni u jinfurmawhom minnufih b'kull nuqqas ta' kompletezza jew nuqqas ta' preċiżjoni li jiġi identifikat. Bl-istess mod, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha tissorvelja u tevalwa l-kompletezza u l-preċiżjoni ta' notifiki li jkunu waslulha mingħand l-awtoritajiet kompetenti u tinformahom minnufih b'kull nuqqas ta' kompletezza jew nuqqas ta' preċiżjoni li jiġu identifikati.

(3)

Il-lista ta' notifiki ta' strumenti finanzjarji għandha tiġi ppubblikata mill-ESMA f'format elettroniku, u li jinqara mill-magni, u li jista' jitniżżel mill-Internet sabiex jiġi ffaċilitat l-użu effiċjenti u l-iskambju tad-dejta.

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-ESMA lill-Kummissjoni. L-ESMA għamlet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit mill-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-swieq finanzjarji, huwa neċessarju li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'urġenza u li d-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament japplikaw mill-istess data bħal dawk stabbiliti fir- Regolament (UE) Nru 596/2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-notifiki tal-istrumenti finanzjarji skont l-Artikolu 4(1) tar- Regolament (UE) Nru 596/2014 għandhom jinkludu d-dettalji kollha li ssir referenza għalihom fit-Tabella 2 tal-Anness għal dan ir-Regolament li għandhom x'jaqsmu mal-istrumenti finanzjarji kkonċernati.

Artikolu 2

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jissorlvejaw u jevalwaw, bl-użu ta' proċessi awtomatizzati, jekk in-notifiki li jirċievu skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 ikunux konformi mar-rekwiżiti skont l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u l-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/378 (4).

2.   L-operaturi taċ-ċentri tan-negozjar għandhom ikunu infurmati mingħajr dewmien bl-użu ta' proċessi awtomatizzati b'kull nuqqas fin-notifiki li jidħlu u b'kull nuqqas ta' preżentazzjoni tan-notifiki qabel għeluq l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/378.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom, bl-użu ta' proċessi awtomatizzati, jibgħat notifiki kompluti u preċiżi tal-istrumenti finanzjarji lill-ESMA f'konformità mal-Artikolu 1.

Fil-jum wara li jkunu daħlu n-notifiki tal-istrumenti finanzjarji f'konformità mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014, l-ESMA għandha, bl-użu ta' proċessi awtomatizzati, tikkonsolida n-notifiki riċevuti minn kull awtorità kompetenti.

4.   L-ESMA għandha, permezz tal-użu ta' proċessi awtomatizzati, tissorvelja u tevalwa jekk in-notifiki riċevuti mill-awtoritajiet kompetenti ikunux kompluti u preċiżi u jekk humiex konformi mal-istandards u formati applikabbli kif speċifikat fit-Tabella 3 tal-Anness għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/378.

5.   L-ESMA għandha, bl-użu ta' proċessi awtomatizzati, mingħajr dewmien tinforma lill-awtoritajiet kompetenti b'kull nuqqas ta' kompletezza fin-notifiki trasmessi u b'kull nuqqas ta' preżentazzjoni tan-notifiki qabel għeluq l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/378.

6.   L-ESMA għandha, bl-użu ta' proċessi awtomatizzati, tippubblika l-lista sħiħa ta' notifiki f'forma elettronika, li tista' titniżżel mill-Internet, u li tista' tinqara mill-magni, fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum li jsegwi dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Japplika mit-3 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/378 tal-11 ta' Marzu 2016 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-iskadenzi, il-format u l-mudell tal-preżentazzjoni tan-notifiki lill-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 72, 17.3.2016, p. 1).


ANNESS

Notifiki ta' strumenti finanzjarji li ssir skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014

Tabella 1

Klassifikazzjoni ta' derivattivi ta' kwoti ta' emissjoni u ta' komoditajiet għat-Tabela 2 (oqsma 35-37)

Prodott bażi

Sub prodott

Sub prodott ulterjuri

“AGRI” — Agrikulturali

“GROS” — Qmuħ u żrieragħ li jagħti ż-żejt

“FWHT” — Qamħ għall-għalf

“SOYB” — Fażola tas-sojja

“CORN” — Qamħirrun

“RPSD” — Żerriegħa tal-kolza

“RICE” — Ross

“OTHR” — Oħrajn

“SOFT” — Qamħ artab

“CCOA” — Kakaw

“ROBU” — Kafè tat-tip Robusta

“WHSG” — Zokkor abjad

“BRWN” — Zokkor nej

“OTHR” — Oħrajn

“POTA” — Patata

 

“OOLI” — Żejt taż-żebbuġa

“LAMP” — Żejt taż-żebbuġa lampante

“DIRY” — Tal-ħalib

 

“FRST” — Forestrija

 

“SEAF” — Frott tal-baħar

 

“LSTK” —Annimali ħajjin

 

“GRIN” — Żrieragħ

“MWHT” — Qamħ għad-dħin

“NRGY” — Enerġija

“ELEC” — elettriku

“BSLD” — Piż bażi

“FITR” — Drittijiet ta' trażmissjoni finanzjarja

“PKLD” — Tagħbija fil-qaċċata

“OFFP” — Ħinijiet mhux fil-quċċata tat-tagħbija

“OTHR” — Oħrajn

“NGAS” — Gass naturali

“GASP” — GASPOOL

“LNGG” — LNG

“NBPG” — NBP

“NCGG” — NCG

“TTFG” — TTF

“OILP” -Żejt

“BAKK” — Bakken

“BDSL” — Bijodiżil

“BRNT” — Brent

“BRNX” — Brent NX

“CNDA” — Kanadiż

“COND” — Kondensat

“DSEL” — Diżil

“DUBA” — Dubaj

“ESPO” — ESPO

“ETHA” — Etanol

“FUEL” — Karburant

“FOIL” — Żejt kombustibbli

“GOIL” — Żejt tal-gass

“GSLN” — Petrol (Gasoline)

“HEAT” — Żejt għat-tisħin

“JTFL” — Karburant tal-ajruplani

“KERO” — Pitrolju

“LLSO” — Light Louisiana Sweet (LLS)

“MARS” — Mars

“NAPH” — Nafta

“NGLO” — NGL

“TAPI” — Tapis

“URAL” — Urali

“WTIO” — WTI

“COAL” — Faħam

“INRG” -Inter Energy

“RNNG” — Enerġija li tiġġedded

“LGHT” — Benzina ħafifa

“DIST” — Distillaturi

 

“ENVR” -Ambjentali

“EMIS” — Emissjonijiet

“CERE” — CER

“ERUE” — ERU

“EUAE” — EUA

“EUAA” — EUAA

“OTHR” — Oħrajn

“WTHR” — Temp

“CRBR” — Relatat mal-kabonju

 

“FRGT” –“Merkanzija”

“WETF” — Imxarrab

“TNKR” — Tankers

“DRYF” — Niexef

“DBCR” — Vapuri ta' merkanzija goffa solida

“CSHP” — Vapuri tal-merkanzija

 

“FRTL” –“Fertilizzant”

“AMMO” — Ammonja

“DAPH” — DAP (Fosfat tad-djammonju)

“PTSH” — Potassa

“SLPH” -Kubrit

“UREA” -Urea

“UAAN” — UAN (urea u nitrat tal-ammonju)

 

“INDP” — Prodotti industrijali

“CSTR” — Kostruzzjoni

“MFTG” — Manifattura

 

“METL” — Metalli

“NPRM” — Mhux prezzjużi

“ALUM” — Aluminju

“ALUA” — Liega tal-aluminju

“CBLT” — Kobalt

“COPR” — Ramm

“IRON” — Minerali tal-ħadid

“LEAD” — Ċomb

“MOLY” — Molibdenu

“NASC” — NASAAC

“NICK” — Nikil

“STEL” — Azzar

“TINN” — Landa

“ZINC” — Zingu

“OTHR” — Oħrajn

“PRME” — Prezzjużi

“GOLD” — Deheb

“SLVR” — Fidda

“PTNM” — Platinu

“PLDM” — Palladju

“OTHR” — Oħrajn

“MCEX” — Multi Commodity Exotic

 

 

“PAPR” — Karta

“CBRD” — Container board

“NSPT” — Karta tal-gazzetti

“PULP” — Polpa

“RCVP” — Karta rkuprata

 

“POLY” — Polipropilen

“PLST” — Plastik

 

“INFL” — Inflazzjoni

 

 

“OEST” — Statistika ekonomika uffiċjali

 

 

“OTHC” C10 oħrajn kif definiti fit-Tabella 10.1 tat-Taqsima “Derivattivi oħra C 10” tal-Anness III tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti ta' trasparenza għal ċentri tan-negozjar u ditti ta' investiment fir-rigward ta' bonds, prodotti finanzjarji strutturati, kwoti tal-emissjonijiet u derivati.

“DLVR” — Eżigwibbli

“NDLV” — Mhux eżigwibbli

 

“OTHR” — Oħrajn

 

 


Tabella 2

Kontenut tan-notifiki li jridu jiġu preżentati lill-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal- Artikolu 4(1) tar- Regolament (UE) Nru 596/2014

N.

Qasam

Dettalji li għandhom jiġu rrapportati

Oqsma ġenerali

1

Kodiċi ta' identifikazzjoni tal-istrument

Kodiċi użat għall-identifikazzjoni tal-istrument finanzjarju.

2

Isem sħiħ tal-istrument

Isem sħiħ tal-istrument finanzjarju

3

Klassifikazzjoni tal-istrument

Tassonomija użata għall-klassfikazzjoni tal-istrument finanzjarju.

Għandu jingħata Kodiċi tal-Klassifikazzjoni tal-Istrumenti Finanzjarji (CFI) sħiħ u preċiż.

4

Indikatur tad-derivattivi tal-komoditajiet

Indikazzjoni dwar jekk l-istrument finanzjarju jaqax taħt id-definizzjoni ta' derivattivi tal-komoditajiet skont l-Artikolu 2(1)(30) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

Oqsma relatati mal-emittent

5

Identifikatur tal-emittent jew l-operatur taċ-ċentru tan-negozjar

LEI tal-emittent jew tal-operatur taċ-ċentru tan-negozjar.

Oqsma relatati maċ-ċentru

6

Ċentru tan-negozjar

Segment MIC għaċ-ċentru tan-negozjar jew internalizzatur sistematiku, fejn disponibbli, inkella MIC operattiv.

7

Isem fil-qosor tal-istrument finanzjarju

Isem fil-qosor tal-istrument finanzjarju skont ISO 18774.

8

Talba għal ammissjoni għan-negozjar mill-emittent

Jekk l-emittent tal-istrument finanzjarju talabx jew approvax in-negozjar jew l-ammissjoni għan-negozjar tal-istrumenti finanzjarji tagħhom f'ċentru tan-negozjar.

9

Data tal-approvazzjoni tal-ammissjoni għan-negozjar

Data u ħin li l-emittent ikun approva ammissjoni għan-negozjar jew negozjar tal-istrumenti finanzjarji tiegħu f'ċentru tan-negozjar.

10

Data tat-talba tal-ammissjoni għan-negozjar

Data u ħin tat-talba għall-ammissjoni għan-negozjar fiċ-ċentru tan-negozjar.

11

Data tal-ammissjoni għan-negozjar jew id-data tal-ewwel kummerċ

Data u ħin tal-ammissjoni għan-negozjar fiċ-ċentru tan-negozjar jew id-data u l-ħin meta l-istrument ġie nnegozjat l-ewwel darba jew meta l-ewwel ġiet riċevuta ordni jew kwotazzjoni miċ-ċentru tan-negozjar.

12

Data tat-terminazzjoni

Data u ħin meta l-istrument finanzjarju ma jibqax jiġi negozjat jew ammess għan-negozjar fiċ-ċentru tan-negozjar.

Fejn din id-data ma tkunx disponibbli, dan il-qasam ma għandux jimtela.

Oqsma relatati man-nozzjonali

13

Munita nozzjonali 1

Munita li fiha huwa ddenominat in-nozzjonali.

Fil-każ ta' kuntratt ta' rata ta' imgħax jew derivattiv tal-munita, din tkun il-munita nozzjonali tas-segment nru 1 jew il-munita 1 tal-par.

Fil-każ ta' swaptions fejn is-swap sottostanti tkun b'munita waħda, din tkun il-munita nozzjonali tas-swap sottostanti. Għal swaptions fejn is-sottostanti ikun ta' diversi muniti, din tkun il-munita nozzjonali tal-parti 1 tas-swap.

Bonds jew forom oħra ta' oqsma relatati mad-dejn titolizzat

14

Ammont nominali totali maħruġ

Ammont nominali totali maħruġa totali f'valur monetarju.

15

Data tal-maturità

Data ta' maturità tal-istrument finanzjarju rrappurtat.

Qasam japplika għal strumenti tad-dejn b'maturità definita.

16

Munita ta' valur nominali

Munita tal-valur nominali għal strumenti ta' dejn.

17

Valur nominali kull unità/valur minimu kkummerċjat

Valur nominali ta' kull strument. Jekk mhux disponibbli, il-valur minimu kkummerċjat għandu jimtela.

18

Rata fissa

Ir-rata fissa perċentwal tar-redditu fuq strument ta' dejn meta jinżamm sad-data tal-maturità, espressa bħala perċentwali.

19

Identifikatur tal-indiċi/referenza għal bonds b'rata varjabbli

Fejn jeżisti identifikatur.

20

Isem tal-indiċi/referenza għal bonds b'rata varjabbli

Fejn ma jeżisti l-ebda identifikatur, l-isem tal-indiċi.

21

Terminu tal-indiċi/referenza ta' bond b'rata varjabbli

Terminu tal-indiċi/referenza ta' bond b'rata varjabbli It-terminu għandu jiġi espress f'jiem, ġimgħat, xhur jew snin.

22

Firxa tal-Punt Bażi tal-indiċi/tar-referenza ta' bond b'rata varjabbli

Numru ta' punti bażi fuq jew taħt l-indiċi użati għall-kalkolu tal-prezz.

23

Anzjanità tal-Bond

Identifika t-tip ta' bond: dejn superjuri, mezzanine, subordinat jew inferjuri.

Derivattivi u oqsma relatati mad-derivattivi titolizzati

24

Data ta' skadenza

Data tal-iskadenza tal-istrument finanzjarju Il-qasam japplika biss għal derivattivi b'data tal-iskadenza definita.

25

Multiplatur tal-prezzijiet

Numru ta' unitajiet tal-istrument sottostanti rrappreżentati minn kuntratt ta' derivattiv wieħed.

Għal futur jew opzjoni fuq indiċi, l-ammont għal kull punt ta' indiċi.

Għal spreadbets il-moviment fil-prezz tal-istrument sottostanti li fuqu hija bbażata spreadbet.

26

Kodiċi tal-Istrument Sottostanti

Kodiċi ISIN tal-istrument sottostanti.

Għal ADRs, GDRs u strumenti simili, il-kodiċi ISIN tal-istrument finanzjarju li fuqu jkunu bbażati dawk l-istrumenti.

Għal bonds konvertibbli, il-kodiċi ISIN tal-istrument li fih jistgħu jiġu kkonfertiti l-bonds.

Għal derivati jew strumenti oħra li jkollhom sottostanti, il-kodiċi ISIN tal-istrument sottostanti, meta s-sottostanti huwa ammess għan-negozjar jew negozjat f'ċentru tan-negozjar. Meta s-sottostanti huwa dividend tal-istokk, mela il-kodiċi tal-istrument kodiċi tas-sehem relatat li jintitola għad-dividenti sottostanti.

Għal swaps ta' inadempjenza ta' kreditu, l-ISIN tal-obbligu ta' referenza għandhom jiġu pprovduti.

F'każ li s-sottostanti ikun Indiċi u jkollu ISIN, il-kodiċi ISIN għal dak l-indiċi.

Fejn is-sottostanti huwa basket, daħħal l-ISINs ta' kull kostitwent tal-basket li huma ammessi għan-negozjar jew huma nnegozjati f'ċentru tan-negozjar. Għalhekk, l-oqsma 26 u 27 għandhom jiġu rrappurtati kemm il-darba jkun meħtieġ biex jiġu elenkati l-istrumenti kollha fil-basket.

27

Emittent sottostanti

F'każ li l-istrument jirreferu għal emittent, aktar milli għal strument uniku, il-kodiċi LEI tal-emittent.

28

Isem l-indiċi sottostanti

F'każ li s-sottostanti ikun Indiċi, l-isem tal-indiċi.

29

It-terminu tal-indiċi sottostanti

F'każ li s-sottostanti ikun Indiċi, it-terminu tal-indiċi

30

Tip ta' opzjoni

Indikazzjoni dwar jekk kuntratt ta' derivati hux sejħa (id-dritt ta' xiri ta' assi sottostanti speċifiku jew put (id-dritt għall-bejgħ ta' assi sottostanti speċifiku) jew jekk ma jkun jista' jiġi ddeterminat jekk huwiex sejħa jew put fil-ħin tal-eżekuzzjoni. F'każ ta' swaptions għandu jkun:

“Put”, fil-każ ta' swaption ta' riċevitur, li fiha x-xerrej ikollu dritt li jidħol fi swap bħala riċevitur b'rata fissa.

“Call”, fil-każ ta' swaption ta' pagatur, li fih ix-xerrej ikollu dritt li jidħol fi swap bħala pagatur b'rata fissa.

F'każ ta' limitu massimu u limitu minimu tkun:

“Put”, fil-każ ta' limitu minimu.

“Calk”, fil-każ ta' limitu massimu.

Il-qasam japplika biss għal derivati li huma opzjonijiet jew ċertifikati.

31

Prezz “Strike”

Prezz predeterminat li fih id-detentur ikollu jixtri jew ibigħ l-istrumenti sottostanti, jew indikazzjoni li l-prezz ma jistax jiġi ddeterminat fil-mument tal-eżekuzzjoni.

Il-qasam japplika biss għal opzjonijiet jew ċertifikati, fejn il-prezz “strike” ikun jista' jiġi ddeterminat fil-mument tal-eżekuzzjoni.

Meta l-prezz attwalment ma jkunx disponibbli iżda pendenti, il-valur għandu jkun “PNDG”.

Meta l-prezz “strike” ma jkunx applikabbli, il-qasam ma jimteliex.

32

Munita tal-prezz “strike”

Il-munita tal-prezz “strike”

33

Stil tal-eżerċizzju tal-opzjoni

Indikazzjjoni dwar jekk l-opzjoni tistax tiġi eżerċizzata biss f'data fissa (stil Ewropew, u Ażjatiku), f'serje ta' dati speċifikati minn qabel (ta' Bermuda) jew fi kwalunkwe żmien matul il-ħajja tal-kuntratt (stil Amerikan).

Dan il-qasam huwa applikabbli biss għal opzjonijiet, warrants u ċertifikati.

34

Tip ta' twettiq

Indika jekk l-istrument finanzjarju huwa mwettaq b'mod fiżiku jew fi flus kontanti.

Meta ma tistax tkun determinata t-tip ta' konsenja fil-mument tal-eżekuzzjoni, il-valur għandu jkun “OPTL”.

Din it-taqsima hija applikabbli biss għal derivattivi.

Derivattivi ta' komoditajiet u ta' kwoti tal-emissjonijiet

35

Prodott bażi

Prodott bażi għall-klassi ta' assi sottostanti kif speċifikat fil-klassifikazzjoni ta' komoditajiet u t-tabella tad-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet.

36

Sub prodott

Is-Sub Prodott għall-klassi ta' assi sottostanti kif speċifikat fil-klassifikazzjoni ta' komoditajiet u t-tabella tad-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Il-qasam jirrikjedi prodott bażiku.

37

Sub prodott ulterjuri

Is-Sub Prodott Ulterjuri għall-klassi ta' assi sottostanti kif speċifikat fil-klassifikazzjoni ta' komoditajiet u t-tabella tad-derivattivi tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Il-qasam jirrikjedi sub prodott.

38

Tip ta' tranżazzjoni

Tip ta' tranżazzjoni kif speċifikat miċ-ċentri tan-negozjar.

39

Tip ta' prezz finali

Tip ta' prezz finali kif speċifikat miċ-ċentri tan-negozjar.

Derivattivi tar-rati tal-imgħax

L-oqsma f'din it-taqsima għandhom jimtlew biss fil-każ ta' strumenti li jkollhom strument mhux finanzjarju tat-tip rati tal-imgħax bħala sottostanti.

40

Rata ta' referenza

Isem tar-rata ta' referenza.

41

Terminun tal-kuntratt IR

Jekk il-klassi tal-assi hi Rati tal-imgħax, dan il-qasam jindika t-terminu tal-kuntratt. It-terminu għandu jiġi espress f'jiem, ġimgħat, xhur jew snin.

42

Munita nozzjonali 2

Fil-każ ta' multi munita jew swaps bejn il-valuti, il-munita li fiha tkun demominata l-parti 2 tal-kuntratt.

Għal swaptions fejn is-swap sottostanti tkun b'ħafna valuti, il-munita li fiha tkun denominata l-parti 2 tas-swap.

43

Rata fissa tal-parti 1

Indikazzjoni tar-rata fissa tas-segment tal-parti 1 żata, jekk applikabbli.

44

Rata fissa tal-parti 2

Indikazzjoni tar-rata fissa tas-segment tal-parti 2 użata, jekk applikabbli.

45

Rata varjabbli tal-parti 2

Indikazzjoni tar-rata tal-imgħax użata, jekk applikabbli.

46

Terminu IR tal-kuntratt tal-parti 2

Indikazzjoni tal-perjodu ta' referenza tar-rata tal-imgħax, li tiġi stabbilita f'intervalli predeterminati b'referenza għal rata ta' referenza fis-suq. It-terminu għandu jiġi espress f'jiem, ġimgħat, xhur jew snin.

Derivattivi ta' kambju ta' munita barranija

L-oqsma f'din it-taqsima għandhom jimtlew biss fil-każ ta' strumenti li jkollhom strument mhux finanzjarju tat-tip kambju ta' munita barranija bħala sottostanti.

47

Munita nozzjonali 2

Il-qasam għandu jimtela bil-munita sottostanti 2 tal-par ta' valuti (dak tal-munita jimtela fil-qasam 13 tal-munita nozzjonali 1 waħda).

48

Tip FX

Tip ta' munita sottostanti.


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/23


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/910

tad-9 ta' Ġunju 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1235/2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(3) u l-Artikolu 38(d) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 (2) jistabbilixxi lista tal-korpi tal-kontroll u tal-awtoritajiet tal-kontroll li huma kompetenti biex iwettqu l-kontrolli u joħorġu ċ-ċertifikati f'pajjiżi terzi għall-iskop ta' ekwivalenza.

(2)

Il-perjodu tar-rikonoxximent ta' diversi korpi tal-kontroll skont l-Artikolu 33(3) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 jintemm fit-30 ta' Ġunju 2016. Skont ir-riżultati tas-sorveljanza kontinwa tal-Kummissjoni, ir-rikonoxximent tal-korpi tal-kontroll “AsureQuality Limited”, “Balkan Biocert Skopje”, “Bio.inspecta AG”, “IMO-Control Sertifikasyon Tic. Ltd Ști”, “Organic Control System” u “TÜV Nord Integra” għandu jiġi mtawwal sat-30 ta' Ġunju 2018.

(3)

Għaldaqstant, l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-produzzjoni organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 1235/2008, fl-entrati dwar “AsureQuality Limited”, “Balkan Biocert Skopje”, “Bio.inspecta AG”, “IMO-Control Sertifikasyon Tic. Ltd Ști”, “Organic Control System” u “TÜV Nord Integra”, id-data tat-“30 ta' Ġunju 2016” fil-punt 5 hija sostitwita bit-“30 ta' Ġunju 2018”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1235/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar l-arranġamenti għall-importazzjonijiet ta' prodotti organiċi minn pajjiżi terzi (ĠU L 334, 12.12.2008, p. 25).


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/25


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/911

tad-9 ta' Ġunju 2016

li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-forma u l-kontenut tad-deskrizzjoni ta' ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investimenti u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tagħhom,

Billi:

(1)

It-Titolu II tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxi regoli għal ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp biex jipprovdu appoġġ finanzjarju bejn istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni, jew entità msemmija fil-punt (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-kumpaniji sussidjarji tagħha fi Stati Membri jew pajjiżi terzi oħrajn li huma istituzzjonijiet jew istituzzjonijiet finanzjarji koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriża prinċipali, dment li l-entità li tirċievi l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet għal intervent bikri. Dan jippermetti trasferimenti ta' finanzjament f'sitwazzjoni fejn entità ta' grupp tkun f'diffikultà kbira. Sabiex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-investiment, il-kredituri u l-investituri jeħtieġu trasparenza dwar ir-riskji u l-obbligi potenzjali li jirriżultaw minn dawn il-ftehimiet u ċ-ċansijiet ta' rkupru tal-grupp li jirriżultaw mill-appoġġ tal-ftehim. Għalhekk, il-ftehim għandu jkun f'forma faċilment aċċessibbli għall-pubbliku, komparabbli ma' dikjarazzjonijiet finanzjarji.

(2)

It-termini ġenerali tal-ftehim tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp li għandhom jiġu divulgati għandhom jinkludu informazzjoni rilevanti, bħalma huma l-ammont massimu tal-appoġġ, il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment tal-appoġġ, deskrizzjoni ġenerali tal-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' self mogħti bħala appoġġ. Madankollu, d-divulgazzjoni għandha tirrispetta l-ħtieġa ta' kunfidenzjalità ta' informazzjoni aktar speċifika.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(4)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kosti u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Konċernati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Forma ta' divulgazzjoni

Kull istituzzjoni li tkun parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp li tkun daħlet fih skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2014/59/UE għandha tiddivulga informazzjoni skont l-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament fuq is-sit web tagħha f'forma li tiżgura l-aċċessibbiltà lill-pubbliku.

Sa fejn l-istituzzjoni tiddivulga dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-grupp, id-divulgazzjoni għandha ssir fl-istess forma kif stabbilit għall-informazzjoni mhux kwantitattiva inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji.

Artikolu 2

It-termini li għandhom jiġu divulgati

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddivulgaw mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

L-ismijiet tal-entitajiet fi grupp li jkunu parti fi ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp;

(b)

il-forma li l-appoġġ jista' jieħu;

(c)

fil-każ ta' self, l-iskopijiet li għalihom il-kapital avvanzat abbażi tas-self jista' jkun użat;

(d)

fil-każ ta' garanzija, liema tranżazzjonijiet u liema partijiet terzi huma potenzjalment koperti;

(e)

sa liema punt l-obbligi li jingħata appoġġ finanzjarju tal-grupp u intitolament għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp lil kull waħda mill-partijiet fil-ftehim ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp huma reċiproċi; jekk il-ftehim mhuwiex reċiproku għalkollox, l-informazzjoni għandha tiddistingwi bejn id-diversi partijiet abbażi tat-termini differenti ta' ftehim;

(f)

il-limitazzjonijiet tal-appoġġ finanzjarju tal-grupp għal kull forma ta' għajnuna koperta mill-ftehim ta' appoġġ finanzjarju;

(g)

il-prinċipji għall-kalkolu tal-korrispettiv għall-provvediment ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp u kif dawn jirrelataw mal-kundizzjonijiet tas-suq fiż-żmien tal-appoġġ;

(h)

deskrizzjoni ġenerali tal-anzjanità, il-profil tal-maturità u t-terminu massimu ta' kwalunkwe self mogħti bħala appoġġ;

(i)

deskrizzjoni ġenerali ta' kull obbligu ta' ħlas lura;

(j)

deskrizzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi jew indikaturi dwar l-entità riċeventi u l-entità provveditriċi li jiskattaw il-provvediment tal-appoġġ;

(k)

deskrizzjoni ġenerali tar-rekwiżiti tal-kollateral u tal-marġni.

Id-divulgazzjoni għandha tkopri l-informazzjoni li tkun applikabbli għall-entità tal-grupp ikkonċernata, inkluża l-informazzjoni dwar it-termini tal-ftehim li għandhom x'jaqsmu ma' entitajiet oħra tal-grupp fejn din id-divulgazzjoni tista' taffettwa l-entità tal-grupp ikkonċernata.

L-informazzjoni li mhix applikabbli għandha tiġi indikata bħala “mhux applikabbli”.

2.   Id-divulgazzjoni għandha tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni li l-provvediment tal-appoġġ finanzjarju huwa suġġett għall-kundizzjonijiet skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/59/UE u għad-dritt tal-awtorità kompetenti li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-provvediment skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 3

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/28


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/912

tad-9 ta' Ġunju 2016

li jikkoreġi r-Regolament (UE) Nru 1303/2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 (2) fih żball, peress illi Artikolu 7 kien inkluż bi żvista u m'għandux jidher fir-Regolament.

(2)

Għandu għalhekk jiġi kkoreġut ir-Regolament (UE) Nru 1303/2014.

(3)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont il-fehma tal-kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2014 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1303/2014 tat-18 ta' Novembru 2014 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-“sikurezza fil-mini ferrovjarji” tas-sistema ferrovjarja tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 356, 12.12.2014, p. 394).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/48/KE tat-23 ta' Lulju 1996 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja trans-Ewropea ta' veloċità qawwija (ĠU L 235, 17.9.1996, p. 6).


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/29


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/913

tad-9 ta' Ġunju 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

IL

259,4

MA

133,2

TR

69,0

ZZ

153,9

0709 93 10

TR

113,2

ZZ

113,2

0805 50 10

AR

171,0

IL

134,0

MA

106,8

TR

157,0

ZA

188,7

ZZ

151,5

0808 10 80

AR

127,6

BR

106,7

CL

130,1

CN

110,9

NZ

152,6

US

173,7

UY

107,2

ZA

119,2

ZZ

128,5

0809 10 00

TR

277,4

ZZ

277,4

0809 29 00

TR

508,7

US

888,6

ZZ

698,7


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/31


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/914

tad-9 ta' Ġunju 2016

dwar il-prezz massimu għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti fi ħdan il-proċedura tas-sejħa għall-offerti miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/826

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1370/2013 tas-16 ta' Diċembru 2013 li jiddetermina miżuri dwar l-iffissar ta' ċerti għajnuniet u rifużjonijiet relatati mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-prodotti agrikoli (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/826 (2) fetaħ ix-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat permezz ta' proċedura tas-sejħa għall-offerti għall-perjodu li jiskadi fit-30 ta' Settembru, skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 (3).

(2)

Abbażi tal-offerti li waslu bi tweġiba għal stediniet individwali għall-preżentazzjoni tal-offerti, il-Kummissjoni għandha tiffissa prezz massimu għax-xiri sfurzat, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009.

(3)

Fid-dawl tal-offerti li saru b'risposta għall-ewwel sejħa individwali għall-offerti, jeħtieġ li għandu jiġi ffissat prezz massimu għax-xiri sfurzat.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-ewwel stedina individwali għall-preżentazzjoni tal-offerti għax-xiri sfurzat tat-trab tal-ħalib xkumat fi ħdan il-proċedura tal-offerti miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/826, li għaliha ż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti skada fid-7 ta' Ġunju 2016, il-prezz massimu tax-xiri sfurzat għandu jkun ta' EUR 169,80/100 kg.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Id-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 346, 20.12.2013, p. 12.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/826 tal-25 ta' Mejju 2016 li jagħlaq ix-xiri sfurzat b'intervent ta' trab tal-ħalib xkumat bi prezz fiss għal perjodu ta' intervent li jintemm fit-30 ta' Settembru 2016 u li jiftaħ il-proċedura tas-sejħa għall-offerti għax-xiri sfurzat ĠU L 137, 26.5.2016, p. 19).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1).


DEĊIŻJONIJIET

10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/915

tat-30 ta' Mejju 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Mill-avjazzjoni internazzjonali, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jirrappreżentaw aktar minn 2 % tal-emissjonijiet globali u qed jikbru b'mod esponenzjali, bi previżjonijiet għall-2050 li jekk kollox jibqa' kif inhu, dawn l-emissjonijiet mill-attivitajiet tal-avjazzjoni internazzjonali jaf jiżdiedu aktar minn 200 % meta mqabbla mal-livelli fi żmienna. Sal-2050, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom jonqsu sa għallinqas 50 % inqas mil-livelli tagħhom fl-1990. Sabiex jinkiseb dak it-tnaqqis fl-emissjonijiet, kull settur tal-ekonomija għandu jagħti sehmu, inkluż dak tal-avjazzjoni internazzjonali.

(2)

F'Diċembru tal-2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ġiet konkluża b'suċċess bl-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, li għandu l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperatura globali b'ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali, u jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C.

(3)

L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali tal-1944. L-Istati Membri tal-Unjoni huma Partijiet Kontraenti għal dik il-Konvenzjoni u membri fl-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta' osservatur f'ċertu laqgħat tal-ICAO, inkluża l-Assemblea triennali tal-ICAO. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto tal-1997, li jobbligahom isegwu l-limitazzjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali permezz tal-ICAO. Id-Deċiżjoni 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) sejħet lill-Unjoni biex tidentifika u tieħu azzjonijiet speċifiċi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jekk sal-2002 fl-ICAO ma tiġi miftiehma l-ebda azzjoni.

(4)

It-33 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2001) approvat l-iżvilupp ta' sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni internazzjonali (2). Fl-2004, il-Kumitat tal-ICAO dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent mill-Avjazzjoni rrakkomanda li ma għandhiex tibqa' tiġi żviluppata sistema ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet speċifika għall-avjazzjoni u bbażata fuq strument legali ġdid fl-awspiċi tal-ICAO. Il-35 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2004) approvat l-iżvilupp ulterjuri ta' sistema ta' skambju miftuħ ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-possibilità li l-Istati Kontraenti tal-ICAO jinkorporaw l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi tagħhom tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (3), iżda s-36 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2007) sejħet biex l-operaturi tal-inġenji tal-ajru bbażati fi Stati Kontraenti oħrajn tal-ICAO jkunu eżentati sakemm ma jiġix miftiehem fuq bażi reċiproka bejn dawk l-Istati biex jimplimentaw sistema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fuq operaturi tal-inġenji tal-ajru ta' Stati Kontraenti oħrajn tal-ICAO (4). L-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u Stati Ewropej oħra żammew id-dritt b'mod konsistenti li japplikaw miżuri bbażati fuq is-suq (MBMs), b'mod mhux diskriminatorju, għal kull operatur tal-inġenji tal-ajru li jipprovdi servizzi minn, lejn jew fit-territorju tagħhom, filwaqt li fakkru li l-Konvenzjoni ta' Chicago tirrikonoxxi d-drittijiet tal-Partijiet tagħha li japplikaw, b'mod mhux diskriminatorju, il-liġijiet u r-regolamenti tal-avjazzjoni tagħhom stess għall-inġenji tal-ajru tal-Istati kollha (5) li jipprovdu servizzi lejn, minn jew fit-territorju tagħhom.

(5)

Filwaqt li jqisu li l-limitazzjoni fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali hija kontribut essenzjali f'konformità mal-impenji ta' tnaqqis fl-emissjonijiet globali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2008/101/KE (6) li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (7). Il-ħames premessa tad-Direttiva 2008/101/KE ssemmi li l-Unjoni se taħdem biex tiżgura li tali ftehim globali li jkollu l-ħsieb irażżan iż-żieda fit-temperatura globali jinkludi miżuri biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni u, jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra liema emendi huma meħtieġa fid-Direttiva 2003/87/KE, fejn din tapplika għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru.

(6)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Il-Protokoll ta' Pariġi — Pjan ta' Azzjoni għal ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020” tenfasizza li qabel tintemm l-2016, l-ICAO għandha tirregola b'mod effettiv l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali. Il-laqgħa li jmiss tal-Assemblea tal-ICAO se ssir fl-2016, u għandha tilħaq ftehim fuq strument internazzjonali maħsub li jwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' MBM globali unika għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali

(7)

It-38 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2013) iddeċidiet li l-ICAO u l-Istati Kontraenti tagħha, flimkien ma' organizzazzjonijiet rilevanti tal-ambjent u tal-avjazzjoni f'kull Stat Kontraenti tal-ICAO, jaħdmu id f'id u jagħmlu l-almu tagħhom biex jintlaħaq għan indikattiv kollettiv u globali għat-terminu medju li mill-2020 l-emissjonijiet netti u globali tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali jinżammu fl-istess livell u ddeċidiet li tiżviluppa MBM globali għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjoni u li tirrapporta r-riżultati ta' ħidmitha biex tittieħed deċiżjoni waqt id-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Fl-2020 hu mistenni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali jkunu madwar 70 % ogħla mill-2005 (8) u b'mod konsistenti l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha argumentaw li l-mira ta' tnaqqis globali fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali għandha tkun tnaqqis ta' 10 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli fl-2005. Iżda jidher li hu l-waqt opportun għall-Unjoni biex tippromwovi li fi żmien pjuttost qasir tiġi żviluppata MBM globali biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati sa livelli mhux ogħla mil-livelli tagħhom fl-2020, b'kunsiderazzjoni ta' reviżjoni tal-objettiv matul iż-żmien, kif ikun meħtieġ.

(8)

Biex fl-Assemblea tal-ICAO tal-2016 jitħaffef il-progress lejn strument internazzjonali adatt, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, permezz tar-Regolament (UE) Nru 421/2014 (9), li jqisu fuq bażi temporanja li r-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/87/KE huma sodisfatti fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (iż-ŻEE). B'dan, l-Unjoni enfasizzat li r-rekwiżiti legali jistgħu jiġu applikati fir-rigward ta' titjiriet minn u lejn l-ajrudromi li jinsabu fi Stati taż-ŻEE, bl-istess mod kif jistgħu jiġu applikati r-rekwiżiti legali fir-rigward ta' titjiriet bejn tali ajrudromi.

(9)

Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata mir-Regolament (UE) Nru 421/2014, tistabbilixxi ċerti obbligi għall-Kummissjoni wara d-39 Sessjoni tal-Assemblea tal-ICAO (fl-2016). Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li jimplimentaw ftehim internazzjonali dwar MBM globali mill-2020 li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali b'mod mhux diskriminatorju. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawk l-iżviluppi fil-kamp ta' applikazzjoni adattat għall-kopertura tal-emissjonijiet tal-attività minn jew lejn l-ajrudromi li jinsabu f'pajjiżi li mhumiex fiż-ŻEE mill-1 ta' Jannar 2017 'il quddiem, u fejn xieraq għandha tinkludi proposti b'reazzjoni għalihom.

(10)

Jinħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed, f'isem l-Unjoni, fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' MBM globali unika għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali.

(11)

Minkejja li mhijiex membru tal-ICAO, l-Unjoni għandha status ta' osservatur, li jista' jippermetti lill-Kummissjoni biex tieħu parti f'ċerti diskussjonijiet fil-korpi rilevanti tal-ICAO, inkluża l-Assemblea, biex tappoġġa l-pożizzjoni tal-Unjoni.

(12)

Jinħtieġ li tiġi adottata pożizzjoni tal-Unjoni ferm qabel l-Assemblea tal-ICAO li jmiss,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f'isem l-Unjoni, fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, għandha tkun skont l-Anness.

Hija għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li jaġixxu b'mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni, fi ħdan il-korpi tal-ICAO, u assistiti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-istatus ta' osservatur tal-Unjoni, f'diskussjonijiet dwar l-MBM globali unika.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-korpi rilevanti tal-Kunsill infurmati bis-sħiħ dwar id-diskussjonijiet li jkunu għaddejjin dwar l-MBM globali unika. Sabiex jinżammu kemm il-konsistenza tal-pożizzjoni tal-Unjoni kif ukoll l-applikazzjoni korretta tat-termini tal-Anness, il-Kummissjoni għandha, matul il-proċess kollu, tittrasmetti lill-korpi rilevanti tal-Kunsill dokumenti preparattivi li jiddeskrivu l-pożizzjoni dettaljata, kull meta dan ikun meħtieġ, fid-dawl tal-iżviluppi fil-korpi tal-ICAO, għall-kunsiderazzjoni u approvazzjoni, partikolarment matul u wara l-208 Kunsill tal-ICAO.

B'kont meħud tal-progress fl-ICAO, il-korpi rilevanti tal-Kunsill għandhom jelaboraw aktar il-pożizzjoni tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-futur tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni fi ħdan dak il-qafas tal-ICAO.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M.J. VAN RIJN


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1).

(2)  Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A33-7.

(3)  Ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO A35-5.

(4)  L-Appendiċi L tar-Riżoluzzjoni A36-22.

(5)  Riżervi dwar ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2007, ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO, tal-2010, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-ICAO fl-2012 li tapprova d-Dikjarazzjoni ta' Delhi, u ir-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, ara http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/aviation/documentation_en.htm

(6)  Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3).

(7)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(8)  Ara r-riżervi tar-Riżoluzzjoni tal-ICAO tal-2013, taħt in-nota 1 ta' qiegħ il-paġna.

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 129, 30.4.2014, p. 1).


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/35


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/916

tas-6 ta' Ġunju 2016

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Linja baġitarja 02.03.01)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

(2)

Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista' jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE (“il-Protokoll 31”).

(3)

Il-Protokoll 31 fih dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet.

(4)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.

(5)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-kooperazzjoni estiża tkompli għaddejja wara l-31 ta' Diċembru 2015.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha ghalhekk tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

H.G.J. KAMP


(1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

(2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.


ABBOZZ

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …/2016

ta'…

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li titkompla l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) fl-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-operazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.

(2)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2016,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 7 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:

 

Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 11:

“12.   L-Istati tal-EFTA, mill-1 ta' Jannar 2016, għandhom jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-linja baġitarja li ġejja, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016:

Linja baġitajra 02.03.01: ‘Operazzjoni u żvilupp tas-suq intern ta' prodotti u servizzi.’.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


(*)  [Ebda rekwiżit kostituzzjonali mhu indikat.] [Indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


10.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/917

tad-9 ta' Ġunju 2016

li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Cote d'Ivoire

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1946 (2010) li ġeddiet il-miżuri imposti kontra l-Côte d'Ivoire.

(2)

Fid-29 ta' Ottubru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/656/PESK (1) li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire.

(3)

Fit-28 ta' April 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 2283 (2016), li ttemm, b'effett immedjat, is-sanzjonijiet kollha tan-NU kontra l-Côte d'Ivoire.

(4)

Fid-dawl tal-UNSCR 2283 (2016) kif ukoll ta' żviluppi reċenti fil-Côte d'Ivoire, il-Kunsill iddeċieda li jneħħi wkoll fl-intier tagħhom, il-miżuri restrittivi addizzjonali tal-Unjoni kontra dak il-pajjiż.

(5)

Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK għandha għalhekk titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2010/656/PESK hija mħassra.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' Ġunju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

G.A. VAN DER STEUR


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK tad-29 ta' Ottubru 2010 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d'Ivoire (ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28).