ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 9

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 59
14ta' Jannar 2016


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/26 tat-13 ta' Jannar 2016 li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-etossilati tan-nonilfenol ( 1 )

1

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/27 tat-13 ta' Jannar 2016 li jemenda l-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

4

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/28 tat-13 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

8

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/29 tat-13 ta' Jannar 2016 li jiffissal-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-4 sat-8 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 969/2006 għall-qamħirrum

10

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/30 tat-13 ta' Jannar 2016 li jiffissa l-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet li għalihom japplikaw il-liċenzji ta' importazzjoni ppreżentati mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 għal xi ċereali li joriġinaw mill-Ukraina

12

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta' strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ( ĠU L 359, 16.12.2014 )

14

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/26

tat-13 ta' Jannar 2016

li jemenda l-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (“REACH”) fir-rigward tal-etossilati tan-nonilfenol

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 68(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-2 ta' Awwissu 2013, ir-Renju tal-Iżvezja ppreżenta dossier (“id-dossier tal-Anness XV”) lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 69(4) tar- Regolament (KE) Nru 1907/2006, sabiex tinbeda l-proċedura ta' restrizzjoni stabbilita fl-Artikoli 69 sa 73 ta' dak ir-Regolament. Inizjalment, id-dossier tal-Anness XV kien jindika li l-esponiment għan-nonilfenol (“NP”) u għall-etossilati tan-nonilfenol (“NPE”) joħloq riskju għall-ambjent, speċifikament għall-ispeċijiet akkwatiċi li jgħixu fl-ilma tal-wiċċ. Sabiex jiġi limitat dan ir-riskju, id-dossier ippropona li jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tessili li jistgħu jinħaslu fl-ilma, jekk dawn ikun fihom l-NP jew l-NPE f'konċentrazzjonijiet ugwali għal 100 mg/kg (0,01 % skont il-piż) jew aktar. Id-dossier tal-Anness XV wera li tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

(2)

Matul il-konsultazzjoni pubblika dwar id-dossier tal-Anness XV, l-Iżvezja rrakkomandat it-tneħħija tal-NP mill-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta ta' restrizzjoni billi mhuwiex użat intenzjonalment fl-ipproċessar tat-tessuti. L-esklużjoni tal-NP tqieset bħala ġġustifikata mill-Kumitati tal-Aġenzija għall-Istima tar-Riskji (“RAC”) u għall-Analiżi Soċjoekonomika (“SEAC”) meta ġiet evalwata f'termini tal-effikaċja, tal-prattiċità u tas-sorveljanza tar-restrizzjoni. Għalhekk, l-NPE biss għandhom ikunu soġġetti għar-restrizzjoni proposta.

(3)

Fid-dossier tal-Anness XV l-NPE huma ddefiniti bħala etossilati tan-nonilfenol ramifikati u lineari li jkopru s-sustanzi definiti min-numri tas-CAS jew tal-KE u mis-sustanzi UVCB, polimeri u omologi. Is-sustanzi f'dak il-grupp huma identifikati mill-formula molekulari (C2H4O)nC15H24O.

(4)

Diversi stħarriġiet tas-suq, imsemmija fid-dossier tal-Anness XV, identifikaw il-preżenza tal-NPE fl-oġġetti tessili, f'konċentrazzjonijiet differenti. It-tqegħid fis-suq u l-użu tal-NPE, bħala sustanzi jew f'taħlitiet, għall-fini ta' pproċessar ta' tessuti u ta' ġlud diġà huma ristretti bl-entrata 46 tal-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Madankollu, f'kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli ta' ħasil tal-oġġetti tessili fl-ilma, ir-rilaxx tal-NPE fl-ambjent akkwatiku joħloq riskji għall-ispeċijiet akkwatiċi.

(5)

Għal raġuni ta' koerenza mar-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-restrizzjoni proposta dwar l-oġġetti tessili għandha tkopri prodotti li jikkonsistu f'mill-inqas 80 % ta' fibri tessili skont il-piż u prodotti oħra li fihom parti li tikkonsisti f'mill-inqas 80 % ta' fibri tessili skont il-piż. Barra minn hekk, għal raġuni ta' ċarezza, jaqbel li jiġi indikat li l-oġġetti tessili jkopru oġġetti mhux lesti, nofshom lesti u lesti, inklużi prodotti bħal ħwejjeġ (eż. għan-nies, għal ġugarelli u għall-annimali), aċċessorji, tessuti għal ġewwa, fibri, ħajt, drappijiet u pannelli nnittjati.

(6)

Fit-3 ta' Ġunju 2014, l-RAC adotta b'kunsens l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni ssuġġerita fid-dossier tal-Anness XV, li tikkonferma li hemm riskju dovut għall-esponiment għall-prodotti ta' degradazzjoni tal-NPE. L-RAC hu wkoll tal-parir li restrizzjoni hija l-aktar miżura xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji maħluqa mill-NPE fl-oġġetti tessili, kemm f'termini ta' effikaċja kif ukoll ta' prattikabbiltà.

(7)

Fid-9 ta' Settembru 2014, l-SEAC adotta b'kunsens l-opinjoni tiegħu dwar ir-restrizzjoni ssuġġerita fid-dossier tal-Anness XV, fejn jindika li r-restrizzjoni proposta dwar l-NPE hija l-aktar miżura xierqa fil-livell tal-Unjoni biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati f'termini tal-proporzjonalità tal-benefiċċji soċjoekonomiċi mal-ispejjeż soċjoekonomiċi.

(8)

Skont id-dossier tal-Anness XV u kif ikkonfermat mill-RAC u mill-SEAC, il-limitu ta' 0,01 % skont il-piż huwa l-aktar konċentrazzjoni baxxa li hija proporzjonata mat-trattament intenzjonat tat-tessuti bl-NPE. Il-kummenti li waslu matul il-konsultazzjoni pubblika kkonfermaw li limitu aktar baxx minn 0,01 % skont il-piż għandu mnejn jippreżenta diffikultajiet konsiderevoli ta' infurzar billi t-tessuti jistgħu jiġu kkontaminati bl-NPE f'konċentrazzjonijiet baxxi bħal dawn minħabba esponiment inċidentali waqt il-proċess ta' produzzjoni. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-limitu ta' 0,01 % b'fattur ta' ħamsa (għal 0,002 % skont il-piż) inaqqas l-emissjonijiet biss b'fattur ta' madwar 1,25, u dan inaqqas il-konċentrazzjonijiet tal-NPE fl-ilma tal-wiċċ b'żieda ta' 5 % meta mqabbel mal-limitu ta' 0,01 % skont il-piż.

(9)

Il-Forum għall-Iskambju tal-Informazzjoni dwar l-Infurzar ġie kkonsultat u ġew ikkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

(10)

Fl-1 ta' Ottubru 2014, l-Aġenzija ppreżentat lill-Kummissjoni l-opinjonijiet tal-RAC u tal-SEAC, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-preżenza tal-NPE fl-oġġetti tessili toħloq riskju inaċċettabbli għall-ambjent li jeħtieġ jiġi indirizzat fuq bażi mifruxa mal-Unjoni kollha. Ġie kkunsidrat l-impatt soċjoekonomiku ta' din ir-restrizzjoni, inkluża d-disponibbiltà ta' alternattivi.

(11)

Huwa preżunt li tessuti użati (second-hand) normalment ikunu nħaslu diversi drabi qabel kwalunkwe provvista jew qabel ma jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' parti terza u għalhekk ikun fihom ammonti negliġibbli ta' NPE, jekk ikun il-każ. Għaldaqstant, it-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tessili użati għandu jiġi eżentat mir-restrizzjoni. Bl-istess mod, jista' jkun preżunt li t-tessuti riċiklati fihom ammonti negliġibbli ta' NPE, jekk ikun il-każ, u, għalhekk ir-restrizzjoni ma għandhiex tapplika għal oġġetti tessili ġodda, fejn dawn ikunu nħadmu bl-użu esklussiv ta' tessili riċiklati u mingħajr ma ntużaw l-NPE.

(12)

Il-partijiet ikkonċernati għandhom jingħataw żmien biżżejjed biex jieħdu miżuri ta' konformità xierqa, b'mod partikolari biex tiġi żgurata komunikazzjoni adegwata fi ħdan il-katina kumplessa tal-provvista globali. Ir-restrizzjoni l-ġdida għandha għalhekk tapplika biss minn data aktar tard.

(13)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(14)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1007/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 2011 dwar l-ismijiet ta' fibri ta' tessuti u t-tikkettar u l-immarkar relatati tal-kompożizzjoni tal-fibri ta' prodotti tat-tessut u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE u d-Direttivi 96/73/KE u 2008/121/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 272, 18.10.2011, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness XVII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, tiddaħħal l-annotazzjoni 46a ġdida li ġejja:

“46a.

Etossilati tan-nonilfenol (NPE)

(C2H4O)nC15H24O

1.

Ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq wara t-3 ta' Frar 2021 fl-oġġetti tessili li wieħed jista' raġonevolment jistenna li jinħaslu fl-ilma matul iċ-ċiklu tal-ħajja normali tagħhom, f'konċentrazzjonijiet ugwali għal 0,01 % bil-piż jew aktar ta' dak l-oġġett tessili jew ta' kull parti tal-oġġett tessili.

2.

Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tessili użati (second-hand) jew għal oġġetti tessili ġodda prodotti, mingħajr l-użu tal-NPE, esklussivament minn tessuti riċiklati.

3.

Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, ‘oġġett tessili’ tfisser kwalunkwe prodott mhux lest, nofsu lest jew lest li huwa magħmul minn tal-anqas 80 % fibri tessili skont il-piż, jew ta' kwalunkwe prodott ieħor li fih parti li hija magħmula minn tal-anqas 80 % fibri tessili skont il-piż, inklużi prodotti bħal ħwejjeġ, aċċessorji, tessuti għal ġewwa, fibri, ħajt, drapp u pannelli maħduma bil-labar.”


14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/4


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/27

tat-13 ta' Jannar 2016

li jemenda l-Annessi III u IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) tat-22 ta' Mejju 2001 li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi r-regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fl-annimali. Ir-Regolament japplika għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' annimali ħajjin u ta' prodotti li ġejjin mill-annimali u f'ċerti każijiet speċifiċi għall-esportazzjonijiet tagħhom.

(2)

Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u l-Kapitolu B tal-Anness III ta' dan ir-Regolament, ta' kull sena, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu fit-territorji tagħhom, u l-Kummissjoni tippreżenta sommarju ta' din l-informazzjoni lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Wara ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport sommarju annwali tal-Unjoni dwar il-monitoraġġ u l-ittestjar tar-ruminanti għall-preżenza tal-enċefalopatija sponġiformi li tinxtered se jiġu trasferiti mill-Kummissjoni għal għand l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Għalhekk il-Kapitolu B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jirrifletti dawn il-modalitajiet ġodda.

(4)

L-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprojbixxi t-tagħlif lil ċerti annimali mrobbijin fl-irziezet ta' proteini pproċessati ġejjin mill-annimali, b'mod partikolari dawk il-proteini li ġejjin minn annimali mhux ruminanti.

(5)

Barra minn hekk, skont il-punt (b)(ii) tal-Kapitolu II tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, ħut mitħun u għalf kompost li fih il-ħut mitħun jistgħu jintużaw għat-t-tagħlif lill-annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, inklużi annimali tal-akkwakultura.

(6)

Il-punt 3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar- Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li volum kbir ta' proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn annimali mhux ruminanti u volum kbir ta' għalf kompost li jkun fih din il-proteina, għandhom jiġu ttrasportati f'vetturi u kontejners li ma jintużawx għat-trasport ta' għalf maħsub għal annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, għajr l-annimali tal-akkwakultura. Peress li l-ħut mitħun u l-għalf kompost li jkun fih il-ħut mitħun huma awtorizzati biex jintużaw fl-għalf għall-annimali mhux kollha ruminanti mrobbija fl-irżiezet, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ħut mitħun jew għall-għalf kompost li jkun fih il-ħut mitħun. Għalhekk il-punt 3 tat-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu jiġi emendat biex jeskludi l-ħut mitħun.

(7)

It-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tipprevedi li l-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn annimali mhux ruminanti u ta' prodotti li jkun fihom din il-proteina għandha tkun awtorizzata biss jekk ikunu maħsuba għal użi mhux ipprojbiti minn dan ir-Regolament u jekk jiġi konkluż ftehim bil-miktub qabel l-esportazzjoni, bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru esportatur, jew il-Kummissjoni, u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz importatur, li jkun fih impenn min-naħa tal-pajjiż terz importatur li jirrispetta l-użu maħsub u ma jesportax mill-ġdid il-proteini tal-annimali pproċessati jew il-prodotti li jkun fihom dawn il-proteini, għall-użi pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(8)

Dan ir-rekwiżit kien oriġinarjament maħsub biex jikkontrolla t-tixrid tal-Enċifalopatija Sponġiformi Bovina (BSE) fiż-żmien meta kien hemm l-epidemija tal-BSE fl-Unjoni u meta l-kontinent Ewropew kien l-akbar parti tad-dinja affettwata mill-epidemija. Madankollu, minn dak iż-żmien, is-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni tjiebet b'mod sinifikanti. Fl-2013, ġew irrappurtati seba' (7) każijiet ta' BSE fl-Unjoni u fl-2014, ġew irrappurtati 11-il każ, meta mqabbla mal-2 166 każ irrappurtati fl-2001 u l-2 124 każ irrappurtati fl-2002. Dan it-titjib fis-sitwazzjoni tal-BSE fl-Unjoni huwa rifless fil-fatt li 20 Stat Membru tal-Unjoni issa huma rikonoxxuti bħala li għandhom status ta' riskju negliġibbli ta' BSE skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/453/KE (2) hekk kif emendata.

(9)

Ir-rekwiżit stipulat fit-Taqsima E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li jipprevedi l-obbligu li jiġi konkluż ftehim bil-miktub mal-pajjiż terz ta' destinazzjoni bħala prerekwiżit għall-esportaturi ta' proteini pproċessati tal-annimali minn annimali mhux ruminanti, u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini, u l-projbizzjoni li dawn il-prodotti jintużaw f'pajjiżi terzi biex jitimgħu annimali mrobbija fl-irziezet, għajr għal annimali tal-akkwakultura, għalhekk għandu jitħassar.

(10)

It-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-produzzjoni u l-użu tal-proteini tal-annimali pproċessati minn annimali mhux ruminanti maħsuba għat-t-tagħlif ta' annimali tal-akkwakultura u ta' għalf kompost li fih din il-proteina, li jeħtieġu separazzjoni kompleta bejn il-materjali minn annimali ruminanti u dawk mhux ruminanti f'kull stadju tal-katina tal-produzzjoni, u li jeħtieġu teħid ta' kampjuni u analiżi regolari biex jiġi vverifikat li ma hemmx kontaminazzjoni kroċjata. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom jintalbu wkoll għall-proteini pproċessati tal-annimali minn annimali mhux ruminanti, u għall-għalf kompost li fih din il-proteina maħsuba għall-esportazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-proteini tal-annimali pproċessati u l-għalf kompost li jkun fih din il-proteina esportati jipprovdu l-istess livell ta' sikurezza bħal dawk li jintużaw fit-territorju tal-Unjoni.

(11)

Billi l-ikel għall-annimali domestiċi u l-ħut mitħun huma manifatturati f'impjanti tal-ipproċessar iddedikati esklussivament għall-produzzjoni ta' prodotti li ġejjin minn annimali akkwatiċi, għajr il-mammiferi tal-baħar, rispettivament għall-produzzjoni ta' ikel għall-annimali domestiċi, ir-rekwiżit li jipprevedi li l-esportazzjonijiet huma permessi biss minn stabbilimenti fejn ir-rekwiżiti tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma sodisfati, ma japplikax għall-ikel għall-annimali domestiċi jew għall-ħut mitħun.

(12)

Għaldaqstant, il-Parti E tal-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandha tiġi emendata skont dan.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kapitolu B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU B

REKWIŻITI TA' RAPPORTAR U REKORDJAR

I.   REKWIŻITI GĦALL-ISTATI MEMBRI

A.   Informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata mill-Istati Membri fir-rapport annwali tagħhom kif previst fl-Artikolu 6(4)

1.

L-għadd ta' każijiet suspettati mqiegħda taħt restrizzjonijiet uffiċjali ta' moviment skont l-Artikolu 12(1), għal kull speċi ta' annimal.

2.

L-għadd ta' każijiet suspettati suġġetti għal eżaminazzjoni f'laboratorju skont l-Artikolu 12(2), għal kull speċi ta' annimal, inklużi r-riżultati tat-testijiet rapidi u konfermatorji (l-għadd ta' pożittivi u negattivi) u, fir-rigward tal-annimali bovini, id-distribuzzjoni tal-età tal-annimali kollha ttestjati. Id-distribuzzjoni tal-età għandha tinġabar fi gruppi kif ġej: ‘taħt l-24 xahar’, distribuzzjoni għal kull 12-il xahar bejn 24 u l-155 xahar, u ta' età ta' ‘aktar minn 155 xahar’.

3.

L-għadd ta' qatgħat fejn ġew irrappurtati u investigati każijiet suspettati ta' annimali ovini u kaprini skont l-Artikolu 12(1) u (2).

4.

L-għadd ta' annimali bovini ittestjati f'kull subpopolazzjoni msemmija fil-punti 2.1, 2.2, 3.1 u 5 tal-Parti (I) tal-Kapitolu A. Għandhom jingħataw il-metodu tal-għażla tal-kampjun, ir-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma u d-distribuzzjoni tal-età tal-annimali ttestjati miġbura fi gruppi kif stabbilit fil-punt 2.

5.

L-għadd ta' annimali u qatgħat ta' ovini u kaprini ttestjati f'kull subpopolazzjoni msemmija fil-punti 2, 3, 5 u 6 tal-Parti II tal-Kapitolu A flimkien mal-metodu għall-għażla tal-kampjun u r-riżultati tat-testijiet rapidi u ta' konferma.

6.

Id-distribuzzjoni ġeografika, inkluż il-pajjiż tal-oriġini jekk ma jkunx l-istess pajjiż li qed jirrapporta, ta' każijiet pożittivi ta' BSE u scrapie. Is-sena, u meta jkun possibbli x-xahar tat-twelid jingħataw għal kull każ ta' TSE f'annimali bovini, ovini u kaprini. Jiġu indikati l-każijiet ta' TSE li tqiesu atipiċi għandhom. Għall-każijiet ta' scrapie, meta jkun xieraq, jiġu rrappurtati r-riżultati tal-ittestjar molekulari primarju u sekondarju msemmija fil-punt 3.2(c) tal-Kapitolu C tal-Anness X.

7.

F'annimali għajr dawk bovini, ovini jew kaprini, l-għadd ta' kampjuni u każijiet konfermati ta' TSE għal kull speċi.

8.

Il-ġenotip, u meta jkun possibbli, ir-razza, ta' kull animal tal-ispeċi ovina li jew ikun instab pożittiv għat-TSE u li ttieħed kampjun minnu skont il-punt 8.1 tal-Parti II tal-Kapitolu A, jew li ttieħed kampjun minnu skont il-punt 8.2 tal-Parti II tal-Kapitolu A.

B.   Perjodi ta' rappurtar

Il-kumpilazzjoni tar-rapporti li fihom l-informazzjoni msemmija fit-Taqsima A u sottomessa lill-Kummissjoni (li għandha tibgħatha lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel) fuq bażi ta' kull xahar jew, fil-format elettroniku maqbul bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel jew, fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt 8 fuq bażi ta' kull tliet xhur, tista' tikkostitwixxi r-rapport annwali kif meħtieġ fl-Artikolu 6(4), kemm-il darba l-informazzjoni hija aġġornata kull meta ssir disponibbli informazzjoni ulterjuri.

II.   INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TKUN IPPREŻENTATA FIR-RAPPORT SOMMARJU TAL-UNJONI

Is-sommarju tal-Unjoni jkun ippreżentat f'format ta' tabella u jkopri tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-Parti I.A għal kull Stat Membru.

Mill-1 ta' Jannar 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tanalizza l-informazzjoni msemmija fil-Parti I, u tippubblika sal-aħħar ta' Novembru rapport sommarju dwar it-tendenzi u s-sorsi ta' Enċefalopatiji Sponġiformi li Jinxterdu fl-Unjoni.

III.   REKORDS

1.

L-awtorità kompetenti żżomm, għal seba' snin, rekords tal-informazzjoni msemmija fil-Parti I.A.

2.

Il-laboratorju li jinvestiga jżomm, għal seba' snin, ir-rekords tal-ittestjar, partikolarment il-kotba tax-xogħol tal-laboratorju u, meta xieraq, blokki tal-paraffina u ritratti ta' Western blots.”

Artikolu 2

Fit-Taqsima A tal-Kapitolu III tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.

Volum kbir ta' proteini pproċessati ta' annimali għajr il-ħut mitħun, li ġejjin minn annimali mhux ruminanti, u volum kbir ta' għalf kompost li jkun fih il-proteini pproċessati tal-annimali li ġejjin minn dawn l-annimali għandhom jiġu ttrasportati f'vetturi u kontejners li ma jintużawx għat-trasport ta' għalf maħsub għal annimali mhux ruminanti mrobbijin fl-irżiezet, għajr l-annimali tal-akkwakultura.”

Artikolu 3

Fil-Kapitolu V tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, it-Taqsima E tinbidel b'dan li ġej:

“TAQSIMA E

L-esportazzjoni ta' proteini pproċessati tal-annimali u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini

1.

L-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin mir-ruminanti, u ta' prodotti li fihom dawn il-proteini għandha tkun ipprojbita.

Permezz ta' deroga, din il-projbizzjoni ma għandhiex tapplika għall-ikel ipproċessat tal-annimali domestiċi, li fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin mir-ruminanti u li jkun ġie pproċessat fi stabbilimenti tal-ikel għall-annimali domestiċi approvat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jkun ippakkjat u ttikkettjat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.

L-esportazzjoni tal-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti, jew ta' prodotti li jkun fihom dawn il-proteini għandha tkun suġġetta għall-konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti għandhom joriġinaw minn impjanti tal-ipproċessar li jkunu ddedikati esklussivament għall-ipproċessar ta' prodotti sekondarji minn annimali mhux ruminanti ġejjin minn biċċeriji u impjanti tat-tqattigħ imsemmija fil-punt (a) tat-Taqsima D tal-Kapitolu IV jew joriġinaw minn impjanti tal-ipproċessar awtorizzati li huma elenkati fil-listi pubblikament disponibbli msemmija fil-punt (d) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V;

(b)

l-għalf kompost li jkun fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti għandu joriġina minn stabbilimenti awtorizzati li huma elenkati f'listi pubblikament disponibbli msemmija fil-punt (e) tat-Taqsima A tal-Kapitolu V u għandhom ikunu ppakkjati u ttikkettjati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

3.

Il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt 2 ma japplikawx għal:

(a)

l-ikel ipproċessat tal-annimali domestiċi, li fih il-proteini pproċessati tal-annimali ġejjin minn annimali mhux ruminanti u li jkun ġie pproċessat fi stabbilimenti tal-ikel għall-annimali domestiċi approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 u li jkun ippakkjat u ttikkettjat f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

(b)

il-ħut mitħun u l-għalf kompost li ma fih l-ebda proteina pproċessata tal-annimali għajr il-ħut mitħun.”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1.

(2)  Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-istatus tal-BSE ta' Stati Membri jew pajjiżi terzi jew reġjuni tagħhom skont ir-riskju tal-BSE (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 84).


14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/28

tat-13 ta' Jannar 2016

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

120,0

MA

86,0

TN

87,8

TR

109,3

ZZ

100,8

0707 00 05

MA

72,9

TR

156,4

ZZ

114,7

0709 93 10

MA

72,3

TR

156,6

ZZ

114,5

0805 10 20

EG

48,7

MA

68,1

TR

80,6

ZA

74,1

ZW

44,1

ZZ

63,1

0805 20 10

IL

167,2

MA

86,0

ZZ

126,6

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

IL

115,4

JM

147,1

TR

92,1

ZZ

118,2

0805 50 10

EG

98,7

MA

92,2

TR

86,4

ZZ

92,4

0808 10 80

CA

156,8

CL

82,6

US

105,7

ZZ

115,0

0808 30 90

CN

75,9

TR

132,0

ZZ

104,0


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/29

tat-13 ta' Jannar 2016

li jiffissal-koeffiċjent ta' allokazzjoni applikabbli għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-4 sat-8 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament (KE) Nru 969/2006 għall-qamħirrum

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 188(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 969/2006 (2) fetaħ kwota tariffarja annwali għall-importazzjoni ta' 277 988 tunnellata ta' qamħirrum (numru tas-serje 09.4131).

(2)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006 ffissa għal 138 994 tunnellata l-kwantità tas-subperjodu Nru 1 għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 2016.

(3)

Il-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni mressqa mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fis-13.00, ħin ta' Brussell, huma ogħla mill-kwantitajiet disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet mitluba, ikkalkulati f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(4)

Jeħtieġ ukoll li ma jinħarġux aktar liċenzji tal-importazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 969/2006 għas-subperjodu attwali tal-kwota.

(5)

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżura, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)   Il-koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 86,331677 % japplika għall-kwantitajiet koperti mill-applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006 (numru tas-serje 09.4131), imressqa mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fis-13.00, ħin ta' Brussell.

(2)   Is-sottomossjoni ta' applikazzjonijiet ġodda għal liċenzji, skont il-kwota msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006 (numru tas-serje 09.4131), hija sospiża mis-13.00 tat-8 ta' Jannar 2016, ħin ta' Brussell, għas-subperjodu attwali tal-kwota.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 969/2006 tad-29 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi (ĠU L 176, 30.6.2006, p. 44).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/30

tat-13 ta' Jannar 2016

li jiffissa l-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-kwantitajiet li għalihom japplikaw il-liċenzji ta' importazzjoni ppreżentati mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fil-qafas tal-kwota tariffarja miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 għal xi ċereali li joriġinaw mill-Ukraina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 188(1) u (3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2081 (2) fetaħ kwoti tariffarji tal-importazzjoni għal xi ċereali li joriġinaw mill-Ukraina.

(2)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 stabbilixxa, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016, l-ammont tal-kwota bin-numru tal-ordni 09.4308 għal 400 000 tunnellata.

(3)

L-ammonti li għalihom japplikaw l-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni introdotti mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fis-13.00, ħin ta' Brussell, għall-kwota bin-numru tal-ordni 09.4308, huma iktar mill-ammonti disponibbli. Għalhekk, jeħtieġ li jiġi ddeterminat sa liema punt jistgħu jinħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, billi jiġi stabbilit il-koeffiċjent ta' allokazzjoni li għandu jiġi applikat għall-ammonti mitluba skont il-kwota kkonċernata, ikkalkulata f'konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3).

(4)

Jeħtieġ ukoll li ma jinħarġux aktar liċenzji għall-importazzjoni għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4308, imsemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081 għall-perjodu tal-kwota attwali.

(5)

Sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-miżura, jixraq li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-ammonti li għalihom japplikaw l-applikazzjonijiet tal-liċenzji għall-importazzjoni għall-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4308 u msemmija fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081, ippreżentat mill-4 ta' Jannar 2016 sat-8 ta' Jannar 2016 fis-13:00, ħin ta' Brussell, ġew assenjati koeffiċjent ta' allokazzjoni ta' 46,782204 % għall-applikazzjonijiet ippreżentati fil-qafas tal-kwota tariffarja bin-numru tal-ordni 09.4308.

2.   Il-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet ġodda għal-liċenzji, fil-qafas tal-kwota bin-numru tal-ordni 09.4308, imsemmija fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2081, hija sospiża mit-8 ta' Jannar 2016, mis-13.00, ħin ta' Brussell, għall-perjodu tal-kwota attwali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2016.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-iżvilupp rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2081 tat-18 ta' Novembru 2015 li jwassal għall-ftuħ u għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji tal-Unjoni għall-importazzjoni ta' ċerti ċereali li joriġinaw mill-Ukrajna (ĠU L 302, tad-19.11.2015, p. 81).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta' Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b'sistema ta' liċenzji ta' importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).


Rettifika

14.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/14


Rettifika għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad-9 ta' Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta' strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 359 tas-16 ta' Diċembru 2014 )

F'paġna 52, fil-punt (4) tal-Anness 4 (Formola IV), li jikkonċerna l-Applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni:

minflok:

“4.

L-għan maħsub taċ-Ċertifikat (8)”;

aqra:

“4.

L-għan maħsub taċ-Ċertifikat (9)”.