ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 232

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
4 ta' Settembru 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1469 tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30743 (2012/C) (l-ex N 138/10) — il-Ġermanja — Il-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle (2) (notifikata bid-dokument C(2014) 5071)  ( 1 )

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1470 tat-30 ta’ Marzu 2015 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija — Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013 (notifikata bid-dokument C(2015) 2112)  ( 1 )

43

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1469

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.30743 (2012/C) (l-ex N 138/10) — il-Ġermanja — Il-finanzjament ta’ proġetti ta’ infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle (2)

(notifikata bid-dokument C(2014) 5071)

(Il-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu (1),

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet l-oħra interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (2),

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ April 2010, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni b’injezzjonijiet ippjanati ta’ kapital f’Mitteldeutsche Flughafen AG (“MFAG”) u fi Flughafen Leipzig/Halle GmbH (“FLH”). Il-Ġermanja għarrfet ukoll lill-Kummissjoni li l-injezzjonijiet ta’ kapital notifikati huma soġġetti għall-approvazzjoni tagħha. Sadanittant, il-finanzjament tal-proġett se jsir permezz ta’ self mill-azzjonisti, li allegatament ingħata skont termini tas-suq.

(2)

Permezz ta’ ittri datati l-10 ta’ Ġunju 2010, is-26 ta’ Novembru 2010 u t-3 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar il-miżuri notifikati (inklużi l-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti). Fid-29 ta’ Settembru 2010, fl-4 ta’ Jannar 2011 u fis-26 ta’ April 2011 il-Ġermanja ppreżentat informazzjoni addizzjonali.

(3)

Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni għarrfet lill-Ġermanja bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (“deċiżjoni tal-ftuħ”) fir-rigward tas-self mill-azzjonist u l-injezzjonijiet ta’ kapital favur l-FLG. Il-Ġermanja tat il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ nhar il-15 ta’ Awwissu 2011.

(4)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. (3) Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jgħaddu l-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni.

(5)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti dwar is-suġġett mingħand 34 parti interessata. Għaddiet dawn il-kummenti lill-Ġermanja fil-21 ta’ Novembru 2011. Il-Ġermanja ngħatat l-opportunità li twieġeb għal dawn il-kummenti fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet tal-Ġermanja fl-20 ta’ Diċembru 2011.

(6)

Fl-14 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni. Fis-26 ta’ April 2012, il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba mingħand il-Ġermanja.

(7)

Fil-15 ta’ Mejju 2012, fl-20 ta’ Lulju 2012 u fil-21 ta’ Diċembru 2012 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni. Il-Ġermanja wieġbet permezz ta’ ittri datati t-28 ta’ Ġunju 2012, l-10 ta’ Settembru 2012, u l-15 ta’ Jannar 2013.

(8)

Fil-31 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014 (4) li”jissostitwixxu l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-1994 (5) u tal-2005. (6). Fil-15 ta’ April 2014 ġie ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li stieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jippreżentaw kummenti dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014, f’dan il-każ fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida. (7)

(9)

Fl-14 ta’ April 2014 il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna fid-dawl tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014. Il-Ġermanja wieġbet permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Mejju 2014, is-26 ta’ Mejju 2014, l-10 ta’ Lulju 2014 u l-11 ta’ Lulju 2014.

(10)

Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Lulju 2014, il-Ġermanja qablet li din id-Deċiżjoni tiġi adottata u notifikata bl-Ingliż.

2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

2.1.   SFOND GĦALL-INVESTIGAZZJONI U GĦALL-PROĠETT TA’ INFRASTRUTTURA

2.1.1.   L-ajruport ta’ Leipzig/Halle

(11)

L-ajruport ta’ Leipzig/Halle jinsab fl-Istat Ħieles ta’ Sassonja fil-Ġermanja Ċentrali. L-ajruport huwa operat mill-FLH (8), li hija sussidjarja tal-MFAG (9). L-MFAG hija kumpanija azzjonarja b’tliet sussidjarji (l-FLH, l-Ajruport ta’ Dresden GmbH u PortGround GmbH).

(12)

Wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, twaqqaf pjan regolatorju għall-iżvilupp tal-ajruport. Dan il-pjan ippreveda l-bini ta’ sistema b’żewġ runways fil-ġejjieni. Fl-1997, ġiet approvata l-bini tar-runway tat-tramuntana. Fl-2004, l-azzjonisti ddeċidew li jiffinanzjaw il-bini tar-runway tan-nofsinhar. (10)

(13)

Wara li fl-2007 bdiet l-operazzjoni tar-runway tan-Nofsinhar, id-DHL Express irrilokat l-attivitajiet ċentrali Ewropej tagħha minn Brussell għal Leipzig. Minbarra d-DHL Express, Leipzig Halle jintuża wkoll minn Lufthansa Cargo u minn linji tal-ajru oħra li jittrasportaw il-merkanzija bl-ajru. B’riżultat ta’ dan, fl-2011 l-ajruport ta’ Leipzig/Halle sar it-tieni l-akbar ajruport li jittrasporta l-merkanzija bl-ajru (wara l-ajruport ta’ Frankfurt/Main) fil-Ġermanja. It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bl-ajru sa mill-2006.

Tabella 1

L-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija bl-ajru fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle mill-2006 – 2013

Sena

L-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri

L-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru u tas-servizzi postali f’tunnellati

Il-movimenti tal-inġenji tal-ajru

(merkanzija u passiġġieri)

2006

2 348 011

29 330

42 417

2007

2 723 748

101 364

50 972

2008

2 462 256

442 453

59 924

2009

2 421 382

524 084

60 150

2010

2 352 827

663 059

62 247

2011

2 266 743

760 355

64 097

2012

2 286 151

863 665

62 688

2013

2 240 860

887 101

61 668

Sors:

L-ajruport ta’ Leipzig Halle (www.leipzig-halle-airport.de).

2.1.2.   Ħarsa ġenerali lejn il-programm ta’ investiment fl-infrastruttura

(14)

L-għan tas-self mill-azzjonisti u tal-injezzjonijiet ta’ kapital huwa l-finanzjament tal-infrastruttura u tal-miżuri relatati mal-infrastruttura mqassra fit-Tabella 2 u jammontaw għal EUR 255,6 miljun.

Tabella 2

Ħarsa ġenerali lejn il-programm ta’ investiment fl-infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle

Numru

Deskrizzjoni

Spejjeż ibbaġittjati/spejjeż antiċipati (f’EUR)

M1

Akkwist ta’ art/rilokazzjoni/tnaqqis tal-istorbju/ippjanar li jakkumpanja l-konservazzjoni tal-pajsaġġ

[…] (*)

M2

Struttura għall-ittestjar tal-magni

(…)

M3

It-taxiway u l-pont li jaqsam E7

(…)

M4

Estensjoni tar-runway tat-Tramuntana għat-tlugħ u għall-illandjar: spejjeż tal-ippjanar

(…)

M5

Ikklerjar tas-sit bi tħejjija għall-bini tat-taxiway Victor kif ukoll stazzjonijiet ġodda għat-tifi tan-nar/ħangar b’għanijiet multipli

(…)

M6

Taxiway parallela Victor

(…)

M7

Żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ

(…)

M8

Ħeliport

(…)

M9.1 – M9.4

Miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura:

 

Bini mill-ġdid tal-Punt ta’ Kontroll (Checkpoint) I

 

Bini funzjonali tas-sigurtà

 

Akkwist ta’ tagħmir tekniku

 

Farm għall-Annimali

(…)

M10

Tnaqqis addizzjonali tal-istorbju

(…)

M11

Fażi 1 tal-iżvilupp tal-land side taż-żona tax-Xlokk

(…)

M12

Proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-estensjoni fin-Nofsinhar

(…)

M13

Espansjoni tar-rampa tat-Tramuntana

(…)

M14

Espansjoni tar-rampa tal-Lvant

(…)

M15

Adattament tal-infrastruttura

(…)

M16

Miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura:

 

Estensjoni tal-ħangar fiż-żona tatTtramuntana (M16.1)

 

Bini ta’ terminal ġdid tal-avjazzjoni u ta’ ħangar għall-ajruplani żgħar (M16.2)

(…)

Total

255,625  miljun

(15)

M1 – Miżuri estensivi għat-tnaqqis tal-istorbju (inklużi l-akkwist ta’ art, rilokazzjoni, ippjanar li jakkumpanja l-konservazzjoni tal-pajsaġġ: skont id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan għar-runway tan-Nofsinhar u għar-rampi tal-ajruport (11), l-ajruport ta’ Leipzig/Halle jrid jimplimenta miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju fiż-żona ta’ protezzjoni għal matul il-lejl. Din iż-żona ta’ protezzjoni għal matul il-lejl suppost kellha tkopri żona ta’ madwar 211-il km2 b’madwar 6 000 dar residenzjali. Wara l-ewwel kalkolu ġdid taż-żona ta’ protezzjoni għal matul il-lejl li sar fl-aħħar ta’ Frar 2009, iż-żona inizjali ta’ protezzjoni kellha tiġi estiża b’madwar 4 000 dar residenzjali oħra.

(16)

M2 - Struttura għall-ittestjar tal-magni: bejn l-2007 u l-2008 inbniet struttura ġdida għall-ittestjar tal-magni fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. L-ajruport ta’ Leipzig/Halle jopera 24 siegħa kuljum, u għalhekk għandu joffri faċilitajiet biex isiru testijiet fuq il-magni tal-ajruplani kemm binhar kif ukoll matul il-lejl. L-istruttura għall-ittestjar tal-magni twaqqfet bħala struttura magħluqa biex jiġu limitati l-emissjonijiet akustiċi.

(17)

M3 – It-taxiway u l-pont li jaqsam ‘E7’: biex jittaffa l-piż fuq it-taxiways u fuq il-pontijiet li jaqsmu eżistenti u biex tiġi pprovduta alternattiva fil-każ ta’ inċidenti jew ħsarat, inbnew it-taxiway u l-pont li jaqsam ‘E7’ fin-naħa tal-lvant tal-ajruport. Għal raġunijiet tekniċi, dan il-proġett ta’ infrastruttura inqasam fi tliet proġetti sekondarji: il-pont li jaqsam (12), it-taxiway u t-tagħmir tekniku (dwal). Ix-xogħlijiet fuq il-proġett bdew fl-2008.

(18)

M4 – Estensjoni tar-runway tat-Tramuntana għat-tlugħ u għall-illandjar (spejjeż tal-ippjanar) mit-3 600 metru attwali tagħha għal 3 800 metru: l-għan tal-estensjoni tar-runway tat-Tramuntana huwa li jiġi żgurat li inġenji tal-ajru tal-merkanzija b’piż massimu waqt it-tlugħ (“MTOW”) ikunu jistgħu jitilqu mingħajr ebda restrizzjoni ta’ tagħbija. L-ippjanar ta’ dan il-proġett ta’ infrastruttura beda fl-2008.

(19)

M5 – Ikklerjar tas-sit bi tħejjija għall-bini tat-taxiway ‘Victor’, stazzjon ġdid għat-tifi tan-nar, il-ħangar I b’għanijiet multipli: l-istazzjon għat-tifi tan-nar u l-ħangar b’għanijiet multipli se jkollhom jitwaqqgħu u jinbnew mill-ġdid. Ix-xogħlijiet għall-bini mill-ġdid tal-ħangar I b’għanijiet multipli u fuq l-istazzjon għat-tifi tan-nar bdew f’Mejju 2009. Il-ħangar il-ġdid b’għanijiet multipli se jintuża għat-tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa. Ix-xogħlijiet se jinkludu wkoll il-bini ta’ faċilità tat-taħriġ għat-taqsima tat-tifi tan-nar.

(20)

M6 – Taxiway parallela ‘Victor’: skont in-notifika, il-bini tat-taxiway ‘Victor’ bejn żewġ taxiways eżistenti hija essenzjali biex tkopri ż-żieda ulterjuri tal-kapaċitajiet fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle u biex tkopri l-kapaċitajiet fin-naħa tal-Lbiċ tal-ajruport fl-eqqel ħinijiet u fil-każ ta’ kundizzjonijiet klimatiċi mil-Lvant.

(21)

M7 - Żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ: iż-żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ huma meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tneħħija tas-silġ minn fuq l-inġenji tal-ajru ssir mingħajr xkiel u biex jiġi evitat dewmien minħabba infrastruttura inadegwata.

(22)

M8 – Ħeliport: fl-2008-2009, fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle nħoloq spazju ta’ parkeġġ għall-ħelikopters billi ġiet adattata u mmarkata l-istruttura tas-superfiċje; jintuża bħala bażi għal operazzjonijiet ta’ salvataġġ u ta’ emerġenza bl-ajru.

(23)

M9.1 - Bini mill-ġdid tal-Punt ta’ Kontroll I: il-punt ta’ kontroll I irid jerġa’ jinbena sabiex ikun konformi mar-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Dan se jkun il-bażi għall-attivitajiet kollha ta’ organizzazzjoni marbutin mas-sigurtà tal-ajruport (immaniġġjar tad-dritt ta’ passaġġ u taċ-ċwievet, taħriġ fis-sigurtà, kompiti maniġerjali), kontrolli (pereżempju tal-persuni u tal-merkanzija), u servizzi ta’ sigurtà (pereżempju servizzi għall-viżitaturi, VIP).

(24)

M9.2 - Bini funzjonali tas-sigurtà: bini ġdid tas-sigurtà se jintuża mill-pulizija federali, mill-pulizija reġjonali, mid-dwana u mis-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż.

(25)

M9.3 - Akkwist ta’ tagħmir tekniku: sabiex jadatta għall-infrastruttura l-ġdida, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu wkoll jakkwista tagħmir addizzjonali għal servizzi li jingħataw fix-xitwa u tagħmir addizzjonali għat-tifi tan-nar. Iċ-ċint tal-perimetru tal-ajruport se jkollu jiġi rikonfigurat b’detetturi u b’tagħmir diġitali ta’ sorveljanza bil-vidjo b’detezzjoni intelliġenti tal-moviment ukoll.

(26)

M9.4 - Farm għall-annimali: il-proġett jittratta t-twaqqif ta’ bini separat fl-ajruport għall-esportazzjoni/importazzjoni ta’ annimali minn pajjiżi terzi li se jkun fih installazzjonijiet veterinarji.

(27)

M10 - Tnaqqis addizzjonali tal-istorbju: fid-dawl tat-tkabbir previst speċjalment fit-traffiku tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle, hekk kif l-ajruport jespandi huwa mistenni li fuq terminu medju jkun hemm il-ħtieġa ta’ miżuri ulterjuri għat-tnaqqis tal-istorbju (u xogħlijiet relatati).

(28)

M11 – Fażi 1 tal-iżvilupp tal-land side taż-żona tax-Xlokk: sal-2010 iż-żoni li jmissu man-naħa tal-Lvant tal-impjanti eżistenti tal-land side (il-ħangar u l-bini operattiv) fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle se jitgħammru kompletament bl-elettriku u bi provvista tal-ilma, b’impjanti tal-ilma mormi u l-iskular tal-ilma tax-xita; ix-xogħlijiet bdew fl-2008. Ladarba r-roundabout eżistenti fit-terminal għat-trasbord tal-merkanzija bl-ajru titqabbad man-netwerk tat-toroq pubbliċi, se jkollhom jittieħdu miżuri addizzjonali għat-tnaqqis tal-istorbju.

(29)

M12 – Proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-estensjoni tan-Nofsinhar: il-mira hi li fit-tul jiġu estiżi r-runway tan-Nofsinhar (3 600 metru) u r-rampa fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. Dan se jeħtieġ proċess ta’ approvazzjoni tal-pjan.

(30)

M13 – Espansjoni tar-rampa tat-Tramuntana: sal-2020 hemm il-pjan li jinbnew tnax-il stand addizzjonali. L-iżvilupp ta’ faċilitajiet tat-terminals fit-Tramuntana tal-ajruport se jagħmilha possibbli li tinkiseb distribuzzjoni aktar uniformi tal-movimenti tal-ajruplani bejn iż-żewġ runways.

(31)

M14 - Espansjoni tar-rampa tal-Lvant: il-fruntiera tar-rampa tal-Lvant se titmexxa lejn in-Nofsinhar sabiex jiġi żgurat li jkun hemm iż-żoni mingħajr ostakli meħtieġa għall-operazzjonijiet tar-runway. Ir-rampa tal-ajruport trid titqabbad ukoll mas-sistema tat-taxiway u mal-punti għat-tneħħija tas-silġ.

(32)

M15 - Adattament tal-infrastruttura: il-faċilitajiet tat-terminal fiż-żona tat-Tramuntana għandhom jiġu adattati biex jieħdu inkonsiderazzjoni r-rampa l-ġdida mibnija fiż-żona tat-tramuntana u l-funzjonijiet marbuta mal-merkanzija jiġu rrilokati lejn dik iż-żona. Għal dan il-għan, il-ħangar u l-funzjonijiet anċillari neċessarji għandhom jiġu addattati għal inġenji tal-ajru tal-kategorija F.

(33)

M16.1 - Estensjoni tal-ħangar fiż-żona tat-Tramuntana: din tinvolvi l-bini ta’ rampa ġdida fiż-żona tat-tramuntana fosthom ir-rilokazzjoni tal-funzjonijiet relatati mal-merkanzija lejn dik iż-żona u l-provvediment ta’ stands ta’ manutenzjoni.

(34)

M16.2 - Bini ta’ terminal ġdid tal-avjazzjoni u ħangar għall-ajruplani żgħar: se jkollu jinbena terminal ġdid tal-avjazzjoni u ħangar għall-inġenji żgħar tal-ajru. It-terminal tal-avjazzjoni preċedenti twaqqa’ meta nbniet ir-runway il-ġdida tan-Nofsinhar.

2.2.   MIŻURI TAĦT INVESTIGAZZJONI U RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

(35)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ investigat dawn il-miżuri li ffinazjaw il-proġett ta’ investiment (jiġifieri l-infrastruttura u l-miżuri relatati mal-infrastruttura) fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle:

(i)

self mill-azzjonisti favur l-FLH li potenzjalment jammonta għal EUR 255,6 miljun (“il-finanzjament tranżitorju li f’parti minnu diġà daħal fis-seħħ”);

(ii)

injezzjonijiet ta’ kapital fl-FLH li jammontaw għal EUR 255,6 miljun.

(36)

Fir-rigward tal-miżuri infrastrutturali notifikati, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk dawn tabilħaqq jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika u, għalhekk, kemm verament il-finanzjament tagħhom ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

(37)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-self mill-azzjonisti lill-MFAG u l-injezzjonijiet ta’ kapital fl-MFAG ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat peress li t-tnejn huma maħsuba li jiġu trasferiti lill-FLH. L-MFAG tista’ titqies biss bħala veikolu għat-trasferiment ta’ fondi lill-FLH u, għalhekk, mhux bħala benefiċjarja tal-għajnuna nnifisha.

2.2.1.   Self mill-azzjonisti favur l-FLH

(38)

L-infrastruttura u l-proġetti relatati mal-infrastruttura ġew iffinanzjati l-ewwel permezz ta’ self mill-azzjonisti, li se jiġi konvertit f’kapital biss wara li dawn il-miżuri jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni. Bejn l-2006 u l-2011 (14) l-ammont totali ta’ self mill-azzjonisti mogħti lill-FLH kien jammonta għal EUR […] miljun.

(39)

Il-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti fl-2006-2008 kienu determinati abbażi ta’ ftehim ta’ self bejn Sachsen LB u l-MFAG. Ir-rata bażi ta’ self hija l-EURIBOR tat-3-xhur flimkien ma’ marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi. Għas-sena 2009, ir-rata bażi ta’ self hija l-EURIBOR tat-3-xhur flimkien ma’ marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi. Għas-sena 2010 ir-rata bażi ta’ self hija l-EURIBOR tat-3-xhur flimkien ma’ marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi.

Valutazzjoni inizjali mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna

(40)

Fir-rigward tan-natura tal-għajnuna tas-self mill-azzjonisti favur l-FLH, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk is-self min-naħa tal-azzjonisti tal-FLH kienx ingħata skont kundizzjonijiet li normalment setgħu jinkisbu fis-suq. B’mod partikulari fir-rigward tal-ftehimiet ta’ self komparabbli, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-proposti indikattivi preżentati permezz ta’ ittra elettronika mingħajr l-intenzjoni li jsiru ftehimiet legalment vinkolanti ta’ self u mingħajr il-valutazzjoni sottostanti tal-probabbiltà ta’ inadempjenza u ta’ kollateralizzazzjoni jistgħux jitqiesu bħala valur referenzjarju affidabbli tas-suq.

(41)

Fin-nuqqas ta’ valur referenzjarju tas-suq, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq l-indikatur stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008 (15). Fin-nuqqas ta’ klassifikazzjoni tal-FLH u l-kollaterali sottostanti, il-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti tal-FLH dehru aktar favorevoli mill-indikatur stabbilit mill-Kummissjoni għar-rata tas-suq fl-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008.

(42)

L-element ta’ għajnuna possibbli jammonta għad-differenza bejn ir-rata tal-imgħax tas-suq u r-rata tal-imgħax attwali.

2.2.2.   Injezzjonijiet ta’ kapital fl-FLH

(43)

L-injezzjonijiet ta’ kapital fl-FLH, li l-għan tagħhom kien li jiffinanzjaw l-infrastruttura u l-miżuri relatati mal-infrastruttura (ara t-Tabella 2), huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Konsegwentement, huwa previst li s-self mill-azzjonisti tal-FLH jiġi konvertit f’ekwità biss wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna.

(44)

L-ammont totali ta’ finanzjament immirat lejn ir-rimborż tal-ispejjeż tal-infrastruttura u tal-proġetti relatati mal-infrastruttura jammonta għal EUR 255,6 miljun. Total ta’ EUR 240,3 miljun għandu jiġi depożitat fil-fond ta’ riżerva ta’ kapital tal-MFAG u allokat sabiex jgħaddi lill-FLH sabiex tiżdied l-ekwità tagħha (jiġifieri r-riżerva ta’ kapital propja). Min-naħa tagħhom l-azzjonisti tal-FLH se jinjettaw l-ammont li jifdal direttament fil-fond ta’ riżerva ta’ kapital tal-FLH.

(45)

Skont il-Ġermanja, l-injezzjonijiet ta’ kapital se jsiru mingħajr ebda pjan sottostanti ta’ direzzjoni tan-negozju u prospetti għal profittabilità fit-tul.

(46)

Għalkemm uħud mill-proġetti ta’ infrastruttura li se jiġu ffinanzjati mill-injezzjonijiet ta’ kapital ippjanati diġà bdew, qabel ma bdew il-proġetti, f’kull każ l-azzjonist pubbliku ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jiffinanzja dawk il-miżuri qabel ma jinbeda x-xogħol. L-injezzjonijiet ta’ kapital infushom għadhom ma sarux.

Il-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna

(47)

Fir-rigward tan-natura tal-għajnuna tal-injezzjonijiet ta’ kapital, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk, fin-nuqqas ta’ xi aspettattiva fit-tul ta’ profittabilità, l-azzjonisti tal-FLH aġixxewx bħala operatur tal-ekonomija tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk l-injezzjonijiet ta’ kapital jistgħux jitqiesu li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

2.2.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(48)

Peress li s-self mill-azzjonisti tal-FLH u l-injezzjonijiet sussegwenti ta’ kapital jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kellha teżamina jekk din l-għajnuna setgħetx tinstab li hija kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat. F’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005 taw sommarju tal-prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-finanzjament ta’ infrastruttura ta’ ajruport skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat.

(49)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan il-każ huma sodisfatti ċerti kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna sservi għan definit b’mod ċar ta’ interess komuni, b’mod partikolari peress li żżid il-konnettività tar-reġjun għas-servizzi tal-merkanzija u tħalli impatt pożittiv fuq l-iżvilupp lokali. Wara li kkunsidrat il-prospetti pożittivi dwar l-iżvilupp tal-ajruport, il-Kummissjoni kkonkludiet li fuq terminu medju l-ajruport għandu prospetti tajbin għall-użu, u li l-programm ta’ infrastruttura huwa neċessarju.

(50)

Madankollu, fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-miżuri infrastrutturali inkwistjoni humiex proporzjonati għall-għan stabbilit. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li mhux l-utenti kollha għandhom aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-ajruport. Il-Kummissjoni qalet ukoll li, peress li l-FLH, bħala ajruport speċjalizzat fil-merkanzija, huwa f’kompetizzjoni ma’ ajruporti fi Stati Membri oħra, f’dan l-istadju ma tistax tikkonkludi li l-iżvilupp tal-kummerċ ma jiġix affettwat tant li jkun kontra l-interess komuni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha wkoll dubji dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna.

(51)

Konsegwentement, il-Kummissjoni esprimiet id-dubji tagħha dwar jekk il-finanzjament tal-miżuri notifikati jistgħux jitqiesu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat.

3.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

3.1.   KUNTEST TAL-MIŻURI INVESTIGATI

(52)

Il-Ġermanja bdiet il-kummenti tagħha b’aktar kjarifiki dwar il-kuntest tal-miżuri investigati. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja affermat li t-Trattat tar-Riunifikazzjoni tal-1990 diġà kien ippreveda l-iżvilupp ulterjuri tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle. Skont il-Ġermanja, kien twaqqaf pjan direttur għall-iżvilupp tal-ajruport u kien ġie deċiż li tiġi żviluppata sistema ta’ żewġ runways paralleli. Il-Ġermanja kompliet tispjega li l-bini tar-runway tat-Tramuntana kien approvat fl-1997 u bdiet topera fl-2000, filwaqt li l-bini tar-runway tan-Nofsinhar kien approvat fl-2004 u bdiet topera fl-2007.

(53)

F’dan l-isfond, il-Ġermanja affermat li minħabba s-sistema ta’ runways paralleli tagħha u r-rilokazzjoni ta’ diversi operaturi kbar tal-merkanzija bl-ajru, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle seta’ jippożizzjona lilu nnifsu bħala t-tieni l-akbar ċentru tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fil-Ġermanja. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja ddikjarat li mill-2010 l-ajruport kien kapaċi jafferma postu bħala wieħed mill-aktar ċentri importanti tat-trasbord tal-merkanzija bl-ajru fl-Ewropa. Il-Ġermanja żiedet ukoll li bħalissa hemm 133 kumpanija preżenti fl-ajruport, li fl-2010 kienu jħaddmu total ta’ 5 106 persuni (żieda ta’ 14,4 % meta mqabbla mal-2009).

(54)

Għalhekk, fil-fehma tal-Ġermanja, l-ajruport jixpruna l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun u għandu rwol importanti għall-impjiegi reġjonali. Il-Ġermanja saħqet li dan huwa kkonfermat ukoll minn żieda fid-dħul u fil-volumi ta’ merkanzija mmaniġġjata fl-ajruport: fil-perjodu bejn l-2005 u l-2009 id-dħul iġġenerat mill-FLH żdied minn EUR 47 miljun għal EUR 80 miljun. Fir-rigward tal-volumi ta’ merkanzija, il-Ġermanja qalet li meta mqabbel ma’ ajruporti oħra, Leipzig/Halle qed jirreġistra rati kostanti ta’ tkabbir (filwaqt li fl-2007 ġew ipproċessati 101 364 tunnellata ta’ merkanzija, fl-2008 din il-figura telgħet għal 442 453 tunnellata, 524 084 tunnellata fl-2009 u 663 059 tunnellata fl-2010). Sabiex issostni d-dikjarazzjoni tagħha, il-Ġermanja indikat li l-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru żdied bi 18,5 % fl-2009 u b’26,5 % fl-2010. Skont il-Ġermanja, hija mistennija żieda ulterjuri fil-volum tal-merkanzija. F’dan ir-rigward il-Ġermanja ċċarat li huwa mistenni li sal-2020 tiġi mmaniġġjata madwar 820 000 tunnellata ta’ merkanzija bl-ajru. (16) Madankollu, il-Ġermanja sostniet li, sal-2015 din il-previżjoni tkun diġà ntlaħqet (17).

(55)

Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li fl-aħħar snin l-ajruport kien ra żieda gradwali fl-għadd ta’ passiġġieri (minn 1 988 854 passiġġier fl-2002 għal 2 723 748 passiġġier fl-2007). Għad li, skont il-Ġermanja, kien hemm tnaqqis fit-traffiku tal-passiġġieri mill-2007 (2 352 827 passiġġier biss fl-2010), fuq perjodu medju/fit-tul, il-Ġermanja qed tistenna li sal-2020 it-traffiku tal-passiġġieri jitla’ għal 4,6 miljun passiġġier.

(56)

Il-Ġermanja qalet li għall-kuntrarju ta’ ħafna ajruporti oħra tal-Unjoni, bħat-tliet ajruporti ewlenin tal-merkanzija fil-Ġermanja, Frankfurt/Main, Cologne-Bonn u Munich, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu permess għal titjiriet billejl mingħajr ebda restrizzjoni għat-traffiku tal-merkanzija kummerċjali bl-ajru. Skont il-Ġermanja, din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex l-ajruport għandu prospetti tajbin għall-ġejjieni. Il-Ġermanja osservat ukoll li permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ April 2012, il-Qorti Federali Amministrattiva Ġermaniża (Bundesverwaltungsgericht) ikkonfermat il-projbizzjoni ta’ titjiriet billejl fl-ajruport ta’ Frankfurt/Main, l-akbar ċentru Ġermaniż tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Il-Ġermanja qalet li għalhekk fl-ajruport ta’ Frankfurt/Main it-tluq u l-wasliet kienu kompletament projbiti bejn il-23:00 u l-5:00.

(57)

Il-Ġermanja ddikjarat ukoll li l-FLH ma setgħetx tiffinanzja l-miżuri infrastrutturali ppjanati mir-riżorsi tagħha stess. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja enfasizzat li minħabba l-investiment b’lura minn żmien l-Eks-Repubblika Demokratika Ġermaniża, l-ajruport kellu jagħmel investimenti fi żmien ħafna iqsar meta mqabbel ma’ ajruporti li jinsabu fin-naħa tal-Punent tal-Ġermanja. Skont il-Ġermanja, b’mod partikolari, l-investimenti sinifikanti fuq terminu qasir ma jistgħux jiġu ffinanzjat mir-riżorsi proprji tal-FLH, peress li hemm differenza sostanzjali bejn il-volum tal-investiment (EUR 225,6 miljuni) u d-dħul annwali tal-ajruport (EUR 80 miljun fl-2009).

3.2.   IL-KUNĊETT TA’ ATTIVITÀ EKONOMIKA U MANDAT TAL-ORDNI PUBBLIKA

3.2.1.   Il-kunċett ta’ attività ekonomika u l-applikabilità tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-infrastruttura tal-ajruport

(58)

L-ewwel nett, il-Ġermanja fakkret li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-bini tal-infrastruttura ta’ ajruport tikkostitwixxi attività ekonomika. Għalhekk, il-Ġermanja ddikjarat li l-miżuri notifikati ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(59)

F’dan ir-rigward, il-Ġermanja sostniet li l-kunċett ta’ “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma japplikax għall-ajruporti, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-finanzjament tal-infrastruttura ta’ ajruport. Il-Ġermanja saħqet li t-twaqqif tal-infrastruttura ta’ ajruport ma kienx jikkostitwixxi attività ekonomika, iżda pjuttost miżura ġenerali ta’ trasport, u tal-politika reġjonali u ekonomika. Hija rreferiet għall-punt 12 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-1994 li jgħidu li “l-bini jew it-tkabbir ta’ proġetti ta’ infrastruttura […] jirrappreżentaw miżura ta’ politika ekonomika li ma tistax tiġi kkontrollata mill-Kummissjoni skont ir-regoli tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat. Deċiżjonijiet dwar l-iżvilupp tal-infrastruttura jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni” u argumentat li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005 ma biddlux dan il-punt.

(60)

Barra minn hekk, il-Ġermanja affermat li l-bini tal-infrastruttura ta’ ajruport ma tikkostitwixxix attività ekonomika minħabba li investitur privat ma kienx jidħol għal dik l-attività. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li ma hemm l-ebda possibbiltà li l-investiment iħalli profitt, għaliex mhuwiex possibbli li l-ispejjeż ta’ bini jiġu rkuprati mingħand l-utenti tal-ajruport permezz ta’ tariffi tal-ajruport. Skont il-Ġermanja, dan huwa impossibbli minħabba li dawk l-imposti jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-awtorità rilevanti tal-ajruport tal-Land rispettiv fejn jinsab l-ajruport u investituri privati ma għandhom ebda influwenza fuq il-livell tagħhom. Għalhekk, skont il-Ġermanja, dawk l-imposti ma jistgħux jiġu ffissati liberament mill-operatur fid-dawl ta’ konsiderazzjonijiet ekonomiċi u, fil-fatt, dawn jiġu stabbiliti mingħajr ebda rabta mal-kostijiet tal-investiment. Żoni li jinkrew għal skopijiet kummerċjali minbarra l-operat tal-linja tal-ajru huma irrelevanti, skont il-Ġermanja.

(61)

F’dak ir-rigward, il-Ġermanja kompliet tgħid li l-ispejjeż fissi tal-ajruporti marbuta mal-infrastruttura, mat-tagħmir u mal-operat huma ogħla mill-medja. Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra tagħhom huwa limitat minn obbligi u minn kundizzjonijiet ġuridiċi stretti.

(62)

Il-Ġermanja qieset ukoll li r-referenzi għas-sentenza Aéroports de Paris  (18) u għas-sentenza Leipzig/Halle  (19) kienu irrelevanti. Fir-rigward tas-sentenza Aéroports de Paris, il-Ġermanja sostniet li s-sentenza ma tittrattax il-bini ta’ infrastrutturi ta’ ajruporti, iżda l-operat ta’ ajruport. Barra minn hekk, il-Ġermanja qieset li s-sentenza Aéroports de Paris ma tittrattax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, iżda titratta ksur tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont it-tifsira tal-Artikolu 102 tat-Trattat. Fir-rigward tas-sentenza Leipzig/Halle, il-Ġermanja qieset li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda effett bħala preċedent fil-ġurisprudenza, peress li hija soġġetta għal appell.

3.2.2.   Mandat tal-ordni pubblika

(63)

Skont il-Ġermanja, anki jekk il-finanzjament ta’ miżuri infrastrutturali kien soġġett għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, xorta ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat peress li l-finanzjament ta’ miżuri infrastrutturali kien prinċipalment jikkostitwixxi r-rimborż meħtieġ u proporzjonat tal-ispejjeż għat-twettiq tal-kompiti li jaqgħu taħt is-setgħat prerogattivi tal-Istat. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li skont il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005, l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tiegħu bħala awtorità pubblika ma kinux ta’ xorta ekonomika u ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(64)

Il-Ġermanja ddikjarat li, b’rabta mat-twettiq tal-kompiti li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika, il-prattika tal-Kummissjoni tal-inqas kienet tagħmel distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ miżuri li ġejjin relatati mas-sigurtà: il-protezzjoni tat-traffiku tal-ajru kontra theddidiet esterni, bħal ħtif u atti oħra ta’ vjolenza kontra t-traffiku tal-ajru, il-protezzjoni tat-traffiku tal-ajru kontra riskji operazzjonali u l-protezzjoni ta’ partijiet terzi kontra riskji operazzjonali mit-traffiku tal-ajru. Skont il-Ġermanja, fir-rigward tal-protezzjoni tat-traffiku tal-ajru kontra riskji operazzjonali, l-operatur tal-ajruport għandu d-dmir li jġedded, jimmodernizza u jespandi l-infrastruttura tal-ajruport sabiex jiġu evitati perikli operazzjonali. Il-Ġermanja qalet li t-tielet kategorija ta’ miżuri tipikament tkopri l-protezzjoni ta’ partijiet terzi kontra l-ħsejjes tal-inġenji tal-ajru u effetti ambjentali oħra ta’ ħsara.

(65)

Fir-rigward tal-miżuri infrastrutturali differenti involuti, il-Ġermanja argumentat li dawn il-miżuri kienu prinċipalment jikkostitwixxu kumpens għat-twettiq ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika peress li l-miżuri kienu jipproteġu lil partijiet terzi kontra periklu operazzjonali mit-traffiku tal-ajru.

(66)

Fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju, il-Ġermanja qalet li fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan, se jkollhom jiġu installati miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju f’madwar 10 000 dar residenzjali. Il-Ġermanja argumentat li skont id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz zum Schutz gegen Fluglärm (Att dwar l-Istorbju mill-Inġenji tal-Ajru, “FluglärmG”) emendat dan l-aħħar, il-miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju jkopru biss żona ta’ 78 km2 b’madwar 3 000 dar residenzjali u bi spejjeż li jammontaw għal EUR […] miljun. Madankollu, skont il-Ġermanja, l-FLH ma bbenefikatx minn din l-emenda tal-FluglärmG, u għadha tapplika żona ta’ protezzjoni aktar stretta. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja affermat li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle jrid iġarrab spejjeż ferm ogħla mill-kompetituri tiegħu (fil-Ġermanja u barra mill-Unjoni).

(67)

Barra minn hekk, l-ajruport akkwista wkoll proprjetajiet ta’ residenti li ġew affettwati ħażin u ħallashom kumpens. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li l-ajruport wettaq ċerti attivitajiet ta’ konservazzjoni tan-natura sabiex jikkumpensa għall-attivitajiet ta’ bini tiegħu. Il-Ġermanja argumentat li dan kien maħsub biex jiġi evitat jew jitnaqqas l-impatt tal-ħoss tal-inġenji tal-ajru u tax-xogħol ta’ bini fuq partijiet terzi, u għalhekk kien funzjoni tal-ordni pubblika. Skont il-Ġermanja, il-protezzjoni ta’ partijiet terzi mill-istorbju, b’mod partikolari l-istorbju tal-inġenji tal-ajru, kienet waħda mid-dmirijiet u l-funzjonijiet uffiċjali u fundamentali tal-Istat.

(68)

Il-Ġermanja argumentat ukoll li l-faċilità għall-ittestjar tal-istorbju tal-magni, jiġifieri l-M2, tikkostitwixxi miżura tal-mandat tal-ordni pubblika. Qalet li l-limiti tal-istorbju stabbiliti fil-kuntest tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-bini tar-runway tan-Nofsinhar setgħu jiġu sodisfatti binhar (mis-6:00 sal-22:00) mingħajr struttura magħluqa għall-ittestjar tal-magni. Madankollu, skont il-Ġermanja, fid-dawl tal-permess operazzjonali tal-31 ta’ Lulju 2007, l-ajruport kellu jwettaq testijiet fl-istruttura magħluqa għall-ittestjar anke binhar. Barra minn hekk, il-Ġermanja spjegat li t-testijiet fuq il-magni kienu meħtieġa fil-kuntest taż-żamma tas-sikurezza operazzjonali tal-inġenji tal-ajru u kieku jsiru billejl barra minn struttura magħluqa, jaqbżu l-limiti permessi tal-istorbju. Għalhekk, fil-fehma tal-Ġermanja, il-bini tal-faċilità għall-ittestjar tal-magni fil-forma ta’ bini magħluq isservi biex tipproteġi lir-residenti lokali minn kwalunkwe livelli inaċċettabbli ta’ storbju mill-inġenji tal-ajru.

(69)

Fir-rigward tal-miżura M3, il-Ġermanja argumentat li l-bini ta’ dawn l-elementi infrastrutturali taqa’ fil-mandat tal-ordni pubblika peress li kienet saret biex tipproteġi t-traffiku tal-ajru kontra perikli operazzjonali. Irrispettivament mill-volum ta’ traffiku li suppost jiġi mmaniġġjat fil-ġejjieni, il-ħoloq eżistenti tat-taxiway diġà ma kinux biżżejjed fl-imgħoddi biex jiġi ggarantit immaniġġjar sigur u bla xkiel tat-traffiku tal-ajru. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li t-taxiway il-ġdida hija r-rotta ta’ aċċess ta’ emerġenza għat-taqsima tat-tifi tan-nar mill-istazzjon għat-tifi tan-nar tal-Lvant għaż-żona tat-Tramuntana tal-ajruport. Skont il-Ġermanja, anke kieku kienu applikabbli r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ta’ min ifakkar li wħud minn dawn l-ispejjeż tat-taxiway kienu relatati mad-dwal. Fir-rigward tad-dwal, il-Ġermanja indikat li fid-deċiżjoni Memmingen tagħha l-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet (20) li d-dawl jikkostitwixxi element ta’ gwida u ta’ kontroll għall-inġenji tal-ajru u għalhekk jista’ jiġi kklassifikat bħala attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(70)

Skont il-Ġermanja, l-M4 se ssir ukoll biex jitwettqu l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika peress li raġunijiet ta’ kapaċità u ta’ sikurezza operattivi jitolbu li inġenji kbar tal-ajru li joperaw fl-MTOW permess tagħhom f’ċerti kundizzjonijiet klimatiċi jiġu pprovduti b’distanza addizzjonali għat-tlugħ, inkluż żona addizzjonali ta’ deċelerazzjoni f’każ li t-tlugħ jiġi abortit.

(71)

Fir-rigward tal-miżura M5, fil-fehma tal-Ġermanja, l-ikklerjar tas-sit qabel il-bini tat-taxiway Victor kien sar biex jitwettqu l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika peress li t-taxiway Victor kienet meħtieġa biex jiġi garantit operat sigur u biex jiġu evitati inċidenti, riskji relatati mas-sigurtà u impatt ambjentali negattiv. Skont il-Ġermanja, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, il-bini tat-taxiway Victor ma kinitx intiża biex iżżid il-kapaċità u, indirettament, il-fatturat. Il-Ġermanja qalet li din kienet inbniet għal raġunijiet ta’ sikurezza operazzjonali u ambjentali biss.

(72)

Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, il-bini taż-żewġ stazzjonijiet ġodda għat-tifi tan-nar kienet saret biex jitwettqu l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika peress li skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, miżuri relatati mas-sikurezza kontra n-nirien, speċjalment il-bini u l-operat tal-istazzjonijiet għat-tifi tan-nar fl-ajruport u l-akkwist tat-tagħmir rilevanti, huma meqjusa li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. Il-Ġermanja indikat li fl-ajruporti Ġermaniżi l-bini ta’ faċilità tat-tifi tan-nar normalment tiġi finanzjata minn fondi pubbliċi.

(73)

Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, il-bini tal-ħangar b’għanijiet multipli kienet saret ukoll biex jitwettqu l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika peress li l-ħangar se jintuża biss għall-ħżin tat-tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa u bħala kenn ta’ emerġenza. Il-Ġermanja spjegat li l-forniment ta’ bini għat-tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa jikkostitwixxi funzjoni uffiċjali tal-Istat peress li jiggarantixxi l-operat sigur tal-ajruport matul il-perjodu tax-xitwa. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li dan ippermetta li l-ajruport jissodisfa l-obbligu statutorju tiegħu li jopera l-ajruport fil-ħinijiet kollha.

(74)

Il-Ġermanja spjegat li l-forniment tal-kenn ta’ emerġenza jaqa’ taħt l-interess ġenerali peress li jservi biex jissalvagwardja l-ħajja tal-bniedem. Il-Ġermanja ċċitat id-dispożizzjonijiet tal-ICAO li jeħtieġu li l-operaturi ta’ ajruport jipprovdu spazju għall-kura ta’ persuni midruba u għall-ħżin ta’ katavri fil-każ ta’ emerġenza. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, il-ħangar b’għanijiet multipli jista’ jilqa’ wkoll passiġġieri li ma jkunux jistgħu jkomplu l-vjaġġ tagħhom minħabba fenomeni naturali (pereżempju l-isħaba tal-irmied fl-2010).

(75)

Barra minn hekk, il-Ġermanja saħqet li l-bini tal-ħangar il-ġdid kienet meħtieġa peress li ma kienx ikun possibbli li l-ħangar b’għanijiet multipli jiġi espandut li kieku tħalla fejn kien.

(76)

Fir-rigward tal-miżura M6, il-Ġermanja rreferiet għall-argumenti b’rabta ma’ M5. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li l-bini tat-taxiway Victor kienet ġiet posposta.

(77)

Skont il-Ġermanja anke l-espansjoni taż-żoni għat-tneħħija tas-silġ (M7) kienet saret biex titwettaq funzjoni uffiċjali tal-Istat peress li l-faċilitajiet kienu meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza operazzjonali u ambjentali. Barra minn hekk, il-Ġermanja spjegat li ż-żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ ma kinux meħtieġa biex tiġi garantita kapaċità suffiċjenti fil-każ ta’ żieda fit-traffiku peress li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien jiflaħ għal żieda fit-traffiku anke mingħajr żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ. Argumentat li l-espansjoni taż-żoni għat-tneħħija tas-silġ saret neċessarja minħabba l-esperjenzi matul l-operat tax-xitwa tal-2008/2009. Skont il-Ġermanja, il-faċilitajiet addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ iservu biex tiġi garantita tneħħija mingħajr xkiel tas-silġ mill-inġenji tal-ajru u biex jiġi evitat dewmien ikkawżat minn infrastruttura inadegwata għat-tneħħija tas-silġ fl-ajruport. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja sostniet li d-dewmien, min-naħa tiegħu, se jkollu impatt negattiv fuq l-ambjent, bħall-konsum tal-pitrolju, emissjonijiet dannużi u storbju.

(78)

Fir-rigward tal-miżura M8, il-Ġermanja argumentat li l-bini ta’ ħeliport jiffaċilita salvataġġi bl-ajru fl-ajruport u inġenerali.

(79)

Fir-rigward ta’ M 9.1, il-Ġermanja qalet li l-bini mill-ġdid tal-Punt ta’ Kontroll I kien assolutament meħtieġ fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Il-Ġermanja indikat li dan il-bini mill-ġdid taqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika u li l-finanzjament tagħha kien limitat għall-ispejjeż imġarrba.

(80)

Barra minn hekk, il-Ġermanja hija wkoll tal-fehma li l-bini tal-bini tas-sigurtà funzjonali (M 9.2) kien jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika u li l-finanzjament kien limitat għall-ispejjeż imġarrba. Il-Ġermanja qalet li l-bini funzjonali tas-sigurtà l-ġdid għen ukoll biex ikun hemm konformità mar-Regolament (KE) Nru 300/2008 u kien neċessarju biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-pulizija federali u reġjonali, tad-dwana u tas-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż.

(81)

Fir-rigward ta’ M 9.3 li tittratta l-akkwist ta’ tagħmir tekniku, jiġifieri l-akkwist ta’ tagħmir addizzjonali għal servizzi li jingħataw fix-xitwa, ta’ tagħmir addizzjonali għat-tifi tan-nar u r-restawrazzjoni taċ-ċint tal-perimetru tal-ajruport b’detetturi u b’tagħmir diġitali ta’ sorveljanza bil-vidjo, il-Ġermanja argumentat li t-tliet miżuri kienu jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

(82)

Fir-rigward tat-tagħmir il-ġdid għal servizzi li jingħataw fix-xitwa, il-Ġermanja qalet li t-tagħmir kien jippermetti li r-runways jiġu kklerjati b’mod parallel, li jiżgura operat sigur tal-ajruport, u għalhekk jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

(83)

Barra minn hekk, il-Ġermanja indikat li skont it-Taqsima 8 tal-Luftsicherheitsgesetz Ġermaniż (Att dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni, “LuftSiG”), li implimenta r-Regolament (KE) Nru 300/2008, l-ajruport kellu jiġi mdawwar minn ċint tal-perimetru. Il-Ġermanja saħqet li, skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, l-infrastruttura tas-sigurtà tal-ajruport, bħal ċnut tal-perimetru, taqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubbliku.

(84)

Fir-rigward tal-miżura M9.4 (jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ bini ġdid għat-trasport tal-annimali li jinkludi faċilitajiet veterinarji), il-Ġermanja sostniet ukoll li t-twaqqif ta’ dan il-bini jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika, peress li l-għan tiegħu kien li jiġi żgurat li ma jiddaħħal ebda mard tal-annimal jew mard ieħor fil-Ġermanja u fl-Unjoni.

(85)

Fir-rigward ta’ M12, il-Ġermanja qalet li sabiex it-traffiku tal-merkanzija jkun jista’ jiġi żviluppat aktar u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti fuq l-art, kien hemm bżonn tal-permess ta’ ppjanar.

(86)

Fir-rigward tal-M 11 u l-M13 sal-M16, il-Ġermanja indikat li fin-notifika tagħha ma kinitx iddikjarat li dawn il-miżuri kienu ġew implimentati biex jitwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. Skont il-Ġermanja, dawn il-miżuri kienu jinkludu l-iżvilupp tal-land side taż-żona tax-Xlokk, l-espansjoni tar-rampa tat-Tramuntana, l-espansjoni tar-rampa tal-Lvant, l-adattament infrastrutturali fiż-żona tat-Tramuntana u miżuri infrastrutturali addizzjonali fiż-żona tat-Tramuntana.

3.3.   IL-FINANZJAMENT TAL-INFRASTRUTTURA PERMEZZ TA’ SELF MILL-AZZJONISTI TAL-FLH

3.3.1.   Il-kundizzjonijiet tal-finanzjament

(87)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżuri infrastrutturali involuti, il-Ġermanja qalet li l-miżuri kienu ġew iffinanzjati permezz ta’ self mill-azzjonisti li kien ingħata b’kundizzjonijiet normali tas-suq u, għalhekk, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Ġermanja indikat li dan is-self għadu ma ġiex konvertit f’ekwità u li l-konverżjoni tas-self mill-azzjonisti hija soġġetta għal deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(88)

Il-Ġermanja ċċarat li s-self jingħata skont il-ħtiġijiet tal-bini u li l-ammont totali tiegħu jvarja kull xahar. Skont il-Ġermanja, is-self jibda fid-data li fiha jitħallas is-self. Il-Ġermanja kompliet tispjega li kull self jimmatura fl-aħħar tas-sena (31 ta’ Diċembru) li fiha jingħata. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja qalet li imbagħad dan is-self ittawwal għal perjodu ieħor ta’ sena. Skont il-Ġermanja, huwa possibbli li t-tul ta’ żmien jiġi estiż diversi drabi sakemm tasal l-awtorizzazzjoni mistennija għall-injezzjonijiet ta’ kapital mill-Kummissjoni.

(89)

Il-Ġermanja kompliet tgħid li l-ammont tas-self u l-imgħax pagabbli huma dovuti fid-data finali (jiġifieri l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena), iżda d-durata tas-self tista’ tiġi estiża b’sena oħra. Barra minn hekk, il-Ġermanja argumentat li din il-possibilità ta’ estensjoni ppermettiet li s-self jiġi estiż sad-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni finali tagħha.

(90)

Fir-rigward tar-rata tal-imgħax għal kull self, il-Ġermanja spjegat li din kienet ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-EURIBOR applikabbli fil-mument li kienet qed tingħata kull parti tas-self flimkien ma’ marġni ta’ riskju. Skont il-Ġermanja, jekk self jingħata fl-1 ta’ Lulju d-durata tiegħu (sal-aħħar tas-sena) tkun ta’ sitt xhur u r-rata tal-imgħax tkun it-total tal-EURIBOR tas-6-xhur u marġni ta’ riskju. Il-Ġermanja kompliet tiċċara li jekk self jingħata fl-1 ta’ Mejju (tul ta’ 8 xhur sal-aħħar tas-sena) ir-rata bażi ta’ referenza tiġi kkalkolata billi jiġu interpolati r-rati EURIBOR tas-6-xhur u tad-9-xhur. Il-Ġermanja kompliet tiċċara li mix-xahar ta’ Jannar wara s-sena li fiha s-self ikun kien ġie estiż ir-rata valida tal-imgħax se tkun il-EURIBOR tat-12-il-xahar flimkien ma’ marġni ta’ riskju. Il-Ġermanja pprovdiet ħarsa ġenerali tal-ammonti akkumulati ta’ self u l-kundizzjonijiet kif imqassra fit-Tabella 3.

Tabella 3

Ħarsa ġenerali lejn is-self mill-azzjonisti tal-FLH 13.12.2006-1.1.2012

Data

Ammont f’miljuni ta’ EUR

(akkumulat)

EURIBOR

Marġni ta’ riskju

Rata totali tal-imgħax

(EURIBOR + marġni)

13.12.2006

(…)

3,90

(…)

(…)

1.1.2007

(…)

3,90

(…)

(…)

1.1.2008

(…)

4,73

(…)

(…)

1.1.2009

(…)

3,03

(…)

(…)

1.1.2010

(…)

1,25

(…)

(…)

1.1.2011

(…)

1,50

(…)

(…)

1.1.2012

(…)

1,94

(…)

(…)

Sors:

Sottomissjoni tal-Ġermanja datata s-26 ta’ April 2012, anness 14.

(91)

Fir-rigward tar-rati tal-marġni ta’ riskju, għas-snin 2006 sal-2008, il-Ġermanja qalet li kien intuża marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi. Il-Ġermanja ċċarat li din ir-rata kienet ġiet stabbilita billi tqabblu l-kundizzjonijiet tas-self tal-ftehimiet ta’ self li ġejjin:

(a)

Ftehim ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB mid-19./22.8.2003 li ffissa marġni ta’ […] punti bażi fis-sena;

(b)

Ftehim ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB/Nord LB mis-16.5.2007 li ffissa marġni ta’ […] punti bażi fis-sena;

(c)

Ftehim ta’ self bejn l-MFAG u l-Postbank mit-28.6.2007/15.7.2007 li ffissa marġni ta’ […] punti bażi fis-sena;

(92)

Il-Ġermanja qalet li l-marġni medju tar-riskju kkalkolat żdied ‘il fuq għad-dritt minn punti bażi bħala medja għal […] punti bażi.

(93)

Fir-rigward tal-marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi stabbilit fl-2009, il-Ġermanja ċċarat li r-rata kienet ġiet determinata billi tqabblu l-kundizzjonijiet taż-żewġ offerti indikattivi minn Sachsen Bank u Nord LB tat-8 u tad-9 ta’ Jannar 2009 rispettivament, il-ftehimiet ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB u l-Postbank tad-19/22 ta’ Awwissu 2003 u tat-28 ta’ Ġunju/15 ta’ Lulju 2007. Il-Ġermanja qalet li minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ prudenza l-marġni kien żdied ‘il fuq għad-dritt minn […] punti bażi bħala medja għal […] punti bażi.

(94)

Skont il-Ġermanja, fl-2010 il-marġni ta’ riskju kien jammonta għal […] punti bażi. Barra minn hekk, il-Ġermanja spjegat li din il-figura ġiet determinata billi tqabblu ż-żewġ offerti indikattivi minn Sachsen LB (22) u minn Nord LB (23) tal-11 u tal-14 ta’ Jannar 2010 rispettivament, u l-ftehim ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB tad-19/22 ta’ Awwissu 2003. Il-Ġermanja qalet li minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ prudenza, il-marġni medju reġa’ ġie arrotondat ‘il fuq minn […] punti bażi bħala medja għal […] punti bażi.

(95)

Il-Ġermanja tispjega li fl-2011, il-marġni tal-imgħax użat kien jammonta għal […] punti bażi u li l-kalkolu kien ibbażat fuq tqabbil bejn żewġ offerti indikattivi minn Sachsen Bank u Nord LB tad-29 ta’ Ġunju 2011, u l-ftehimiet ta’ self bejn Postbank u l-MFAG datati t-28 ta’ Ġunju/il-15 ta’ Lulju 2007, u bejn Sachsen LB u l-MFAG datati d-19/22 ta’ Awwissu 2003. Skont il-Ġermanja, il-marġni kkalkolat reġa’ żdied ‘il fuq għad-dritt minn […] punti bażi bħala medja għal […] punti bażi.

3.3.2.   L-applikazzjoni ta’ komparaturi tas-suq biex tiġi identifikata r-rata tas-suq tal-FLH

(96)

Il-Ġermanja qalet li fl-opinjoni tagħha l-konformità tas-self mill-azzjonisti tal-FLH mas-suq għandha tiġi vvalutata abbażi ta’ komparaturi tas-suq u mhux abbażi tal-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008.

(97)

Barra minn hekk, il-Ġermanja argumentat li l-ftehim ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB tad-19/22 ta’ Awwissu 2003 kien tabilħaqq jikkostitwixxi valur referenzjarju adattat biex jiġi identifikat il-livell tas-suq tar-rati tal-imgħax għas-self mill-azzjonisti. Il-Ġermanja ċaħdet l-argument li l-ftehim ta’ self bejn l-MFAG u s-Sachsen LB ma kienx bażi adattata għal valutazzjoni komparattiva għaliex kien ġie konkluż ma’ benefiċjarju differenti, jiġifieri l-MFAG u mhux l-FLH. Il-Ġermanja indikat li l-Kummissjoni nnifisha qieset lill-MFAG sempliċiment bħala mezz għat-trasferiment ta’ fondi lill-FLH u mhux bħala benefiċjarja nnifisha tal-għajnuna. Il-Ġermanja spjegat li l-ftehim dwar il-kontroll, u t-trasferiment tal-qligħ u tat-telf bejn l-MFAG u l-FLH kien jobbliga lill-FLH biex titrasferixxi l-profitti kollha tagħha lill-MFAG u kien jirrikjedi li l-MFAG tkopri t-telf kollu tal-FLH, u b’hekk il-qligħ/telf nett annwali għall-FLH dejjem kien żero. Bħala konsegwenza, il-marġni tal-imgħax mogħti lill-kumpanija tal-grupp dejjem kien ekwivalenti għall-marġni tal-imgħax mogħti lill-kumpanija prinċipali u viċi versa.

(98)

Skont il-Ġermanja, minkejja li l-ftehim ta’ self kien sar fl-2003, kien fih self ta’ riportament fit-tul sal-2013 b’imgħax iffissat għal 3 xhur kull darba. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li għalhekk il-marġni ta’ riskju ta’ […] punti bażi kien applikabbli bejn l-2006 u l-2008 u xorta jkun japplika llum. Barra minn hekk, il-Ġermanja ma qablitx mal-argument tal-Kummissjoni li Sachsen LB kienet biss kapaċi toffri l-marġni tal-imgħax ta’ […] punti bażi minħabba tnaqqis fil-livell tal-imgħax ipprovdut permezz tal-finanzjament mill-BEI, li huwa wkoll skorrett. Skont il-Ġermanja, il-finanzjament mill-BEI ma kellu l-ebda influwenza fuq id-determinazzjoni tal-marġni tal-imgħax ta’ […] punti bażi.

(99)

Il-Ġermanja ċaħdet ukoll l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim ta’ self bejn Postbank u l-MFAG ma setax jintuża bħala valur referenzjarju. Ġie konkluż għall-benefiċċju tal-FLH, ma kienx ġie miftiehem fi żmien differenti, u l-ħlas ma kienx soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi. Barra minn hekk, il-Ġermanja argumentat li l-offerta vinkolanti ta’ finanzjament minn Sachsen LB u Nord LB datata s-16 ta’ Mejju 2007 kienet valur referenzjarju adattat.

(100)

Barra minn hekk, b’referenza għall-argument tal-Kummissjoni li kienet iddubitat jekk il-proposti indikattivi li ġew ippreżentati permezz ta’ ittra elettronika mingħajr l-intenzjoni li jsiru ftehimiet ta’ self legalment vinkolanti setgħux jitqiesu bħala valur referenzjarju affidabbli tas-suq (24), il-Ġermanja qalet li Nord LB u Sachsen Bank it-tnejn kellhom relazzjonijiet kummerċjali twila mal-MFAG u kienu nżammu regolarment informati dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-FLH u tal-MFAG, u għalhekk il-proposti indikattivi kienu bbażati fuq valutazzjoni bir-reqqa tar-riskju.

(101)

Barra minn hekk, il-Ġermanja indikat li anke jekk in-natura tas-self bħala konformi mas-suq jew l-ekwivalenti tal-għajnuna tas-self jew it-tnejn kellhom jiġu ttestjati skont il-Komunikazzjoni tal-2008 dwar ir-Rata Referenzjali, ma jkun hemm ebda għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja saħqet li l-metodu l-ġdid biex tiġi kkalkolata r-rata referenzjali kien japplika biss mill-1 ta’ Lulju 2008. Bħala konsegwenza, fil-każ ta’ ftehimiet ta’ self konklużi qabel din id-data, trid tiġi applikata l-Komunikazzjoni preċedenti dwar ir-Rata Referenzjali.

3.3.3.   Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-MFAG/FLH

(102)

Il-Ġermanja tikkonferma li l-FLH ma ġietx ikklassifikata minn aġenziji pubbliċi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Minkejja dan, il-Ġermanja qalet li hemm xi indikazzjonijiet tal-affidabbiltà kreditizja tagħha. Il-Ġermanja kompliet tgħid li l-azzjonist ewlieni tal-FLH huwa l-MFAG, li huwa sid 94 % tal-ishma fl-FLH. Skont il-Ġermanja, peress li hemm Ftehim dwar il-Qsim ta’ Telf u ta’ Qligħ bejn l-MFAG u l-FLH mis-6 ta’ Diċembru 2000, li jobbliga lill-MFAG tkopri kwalunkwe telf tal-FLH, il-klassifikazzjoni tal-FLH għandha tal-anqas tkun l-istess (jew ogħla) mill-klassifikazzjoni tal-kumpanija prinċipali tagħha l-MFAG.

(103)

Il-Ġermanja qalet li l-MFAG ma ġietx klassifikata minn aġenziji pubbliċi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Minkejja dan, il-Ġermanja tipprovdi xi klassifikazzjonijiet bankarji interni għall-MFAG. Il-Ġermanja qalet li fl-2006 Nord LB kien ikklassifika lill-MFAG b’nota ta’ klassifikazzjoni ta’ […] fuq l-iskala tal-klassifikazzjoni interna tiegħu (bi probabbiltà ta’ inadempjenza ta’ […] %) li tikkorrispondi għal klassifikazzjoni ta’ […] sa […] fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni ta’ Standard & Poor’s, […] sa […] fuq Moody’s u […] sa […] fuq ta’ Fitch. Il-Ġermanja kompliet tgħid li l-MFAG ilha f’din il-kategorija ta’ klassifikazzjoni mill-2006. Il-Ġermanja ċċarat ukoll li fit-2 ta’ Awwissu 2011 u fl-20 ta’ April 2012 rispettivament, din il-valutazzjoni ġiet ikkonfermata minn Nord LB. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li anke d-Deutsche Kreditbank AG (DKB) kien ipprovda l-indikazzjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu, li fiha jikkonferma li, abbażi tar-rapporti finanzjarji tal-MFAG għas-sena 2006, il-kumpanija ġiet assenjata klassifikazzjoni ta’ […] fuq l-iskala tal-klassifikazzjoni interna tal-bank, li tikkorrispondi għal klassifikazzjoni ta’ […] minn Standard & Poor u ta’ […] minn Moody’s.

(104)

It-Tabella 4 tiġbor fil-qosor il-klassifikazzjonijiet assenjati lill-MFAG mill-2006 sal-2012 (il-perjodu taħt konsiderazzjoni).

Tabella 4

Il-klassifikazzjoni tal-MFAG bejn l-2006-2012

(…) (25)

3.3.4.   Valutazzjoni tat-telf fil-każ ta’ inadempjenza (LGD)

(105)

Fir-rigward tal-kollateralizzazzjoni tas-self u l-LGD, il-Ġermanja ċċarat li s-self jingħata mill-azzjonisti tal-FLH fil-forma ta’ finanzjament tranżitorju li jfisser li għandu jiġi konvertit f’kapital wara l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja kompliet tiċċara li din hija r-raġuni għaliex is-self mhuwiex kollateralizzat.

(106)

Il-Ġermanja sostniet li m’hemm l-ebda modalitajiet speċifiċi għal ħlas lura għas-self mill-azzjonisti peress li kien ġie preżunt li s-self jiġi konvertit f’ekwità, u għalhekk, ma kien se jsir l-ebda ħlas lura. Skont il-Ġermanja, fil-każ li s-self ma jiġix konvertit f’ekwità minħabba li il-Kummissjoni ma tkunx approvat il-finanzjament tal-miżuri infrastrutturali, skont it-Taqsima 488 (3) tad-Deutsches Bürgerliches Gesetzbuch (Kodiċi Ċivili Ġermaniża), ftehim ta’ self jista’ jiġi terminat fi żmien 3 xhur. It-terminazzjoni tal-ftehim twassal għall-maturità tal-ammont tas-self bl-imgħaxijiet.

(107)

Il-Ġermanja targumenta li għalkemm is-self mhuwiex kollateralizzat, l-LGD tal-FLH għandu jitqies li tal-anqas ikun anqas minn […] % u anke viċin […] % minħabba li l-valur tal-assi tal-FLH (jiġifieri EUR […] miljun fl-2010) jaqbeż il-valur tal-obbligazzjonijiet (EUR […] miljun fl-2010). Skont il-Ġermanja, fil-każ ta’ falliment, l-assi tal-FLH se jkunu biżżejjed biex ikopru dawn il-pretensjonijiet.

(108)

Il-Ġermanja qalet li l-assi tal-FLH, li jikkonsistu minn proprjetà ta’ art, bini, stallazzjonijiet tekniċi, u magni fost oħrajn, m’huma mirhuna bl-ebda mod lejn l-azzjonisti tagħha jew kredituri esterni.

3.3.5.   L-ebda vantaġġ miksub minn injezzjonijiet ta’ kapital

(109)

Fir-rigward tal-injezzjonijiet ta’ kapital għall-bini tal-ajruport, il-Ġermanja saħqet li t-test tal-operatur tal-ekonomija tas-suq (“test tal-MEO”) ma kienx applikabbli peress li l-bini tal-ajruport kienet tikkostitwixxi miżura ġenerali tal-politika ekonomika li ma taqax fl-ambitu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

3.4   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

(110)

Il-Ġermanja sostniet li anki jekk il-finanzjament tal-miżuri ppjanati kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, ikun kompatibbli mas-suq intern peress li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 61 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014, il-Ġermanja sostniet li l-għajnuna tkun kompatibbli wkoll mal-prinċipji komuni kif stabbiliti fit-Taqsima 5 ta’ dawk il-Linji Gwida.

3.4.1.   Objettiv definit sew ta’ interess komuni

(111)

Il-Ġermanja qalet li l-finanzjament tal-investimenti inkwistjoni jservi objettiv definit sew ta’ interess komuni.

(112)

F’dan ir-rigward, il-Ġermanja sostniet li s-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, b’mod partikolari l-merkanzija espress, qed juri rati konsiderevoli ta’ tkabbir b’mod partikulari fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle (bejn l-2007 u l-2010 il-volum ta’ merkanzija żdied minn 101 364 tunnellata għal 663 059 tunnellata). Il-Ġermanja kompliet id-dikjarazzjoni tagħha billi ċċarat li t-trasportaturi tal-merkanzija bl-ajru qed jespandu l-kapaċitajiet operazzjonali tagħhom. Skont il-Ġermanja, it-tliet ċentri prinċipali għall-ġarr tal-merkanzija bl-ajru, Frankfurt/Main, Munich u Cologne/Bonn, qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-kapaċità fuq titjiriet billejl. Il-Ġermanja tasserixxi wkoll li, skont sentenza tal-4 ta’ April 2012, l-Ajruport ta’ Frankfurt/Main ma jibqax iwettaq operazzjonijiet ta’ titjiriet billejl. Għalhekk, fil-fehma tal-Ġermanja, l-FLH tgħin biex tnaqqas il-konġestjoni f’ajruporti oħra tal-merkanzija fil-Ġermanja.

(113)

Fir-rigward tal-kontribut tal-ajruport għall-konnettività tar-reġjun, il-Ġermanja qalet li l-proġett previst ilu jagħmel parti mill-istrateġija għall-iżvilupp ta’ ajruport inkluża fil-Pjan Ġenerali tan-Netwerk Trans-Ewropew (Orizzont 2020) mill-2004 bħala “Punt li jgħaqqdu l-Komunità””. Skont il-Ġermanja, l-ajruport jinsab fir-reġjun tal-Ġermanja Ċentrali (qrib ħames rotot prinċipali tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport u tal-passaġġi Pan-Ewropej) u jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu żewġ awtostradi li jgħaqqdu flimkien it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa (jiġifieri l-Awtostrada federali A 9) u l-Ewropa tal-Punent u l-Ewropa tal-Lvant (jiġifieri l-Awtostrada federali A 14) b’aċċess għal netwerk ferrovjarju u tat-toroq. Barra minn hekk, il-Ġermanja ċċarat li l-aċċess għan-netwerk ferrovjarju u tat-toroq jiffaċilita trasport aktar effiċjenti tal-merkanzija. Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li l-proġett huwa konformi mal-“iżvilupp ta’ netwerk Ewropew integrat tat-trasport bl-ajru“ kif stabbilit fil-punt 12 tal-pjan ta’ azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa (26) li jinnota li “ikun xieraq li tinħeles il-kapaċità rieqda li teżisti fl-ajruporti reġjonali, dejjem sakemm l-Istati Membri jirrispettaw l-istrumenti ġuridiċi Komunitarji marbuta mal-għajnuniet mill-Istat”.

(114)

Il-Ġermanja sostniet ukoll li l-implimentazzjoni tal-proġett se jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun kollu u se tinfluwenza b’mod sinifikanti l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu. Skont il-Ġermanja, b’mod partikolari l-proġett ta’ investiment, se jtejjeb l-aċċess għar-reġjun u jżid l-attrazzjoni tiegħu għall-investituri u għall-viżitaturi. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja argumentat li l-proġett ta’ investiment se jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-impjiegi. Sabiex issostni dan l-argument, il-Ġermanja affermat li r-rata tal-qgħad fir-reġjun ta’ Sachsen tammonta għal 10,3 % u f’Saxony-Anhalt għal 11,2 %, li huma ogħla mill-medja Ġermaniża ta’ 6,9 %.

(115)

Għalhekk, il-Ġermanja sostniet li l-għajnuna mill-Istat isservi objettiv definit sew ta’ interess komuni.

3.4.2.   Il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat

(116)

Il-Ġermanja sostniet li ebda investitur privat mhu se jkun interessat jiffinanzja dawn il-miżuri infrastrutturali. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle qed ibati minħabba l-investiment storikament b’lura. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja l-miżuri jikkonċernaw investimenti infrastrutturali fit-tul li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ajruport fid-dawl taż-żieda futura fit-trasport tal-merkanzija. Il-Ġermanja targumenta, mingħajr ma tipprovdi evidenza, li l-miżuri la huma sproporzjonati fid-daqs, u lanqas ma jinvolvu spiża sproporzjonata. Fl-opinjoni tal-Ġermanja, tnaqqis ulterjuri fil-finanzjament mill-Istat mhuwiex possibbli peress li infrastruttura ta’ dan il-kobor ma tistax tiġi ffinanzjata mir-riżorsi proprji tal-operaturi tal-ajruport.

(117)

Il-Ġermanja qajmet ukoll l-argument li d-dħul mis-servizzi tal-ajruport ma jkoprix l-ispejjeż tal-bini tal-infrastruttura u sostanzjat dan l-argument fuq bażi ta’ diskrepanza tal-likwidità u valutazzjoni kontrofattwali.

(118)

Għalhekk, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-għajnuna se ġġib titjib materjali għall-proġett ta’ investiment li s-suq innifsu ma jagħtix u li hemm il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat.

3.4.3.   L-adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna

(119)

Il-Ġermanja sostniet li l-għajnuna se tkun miżura adegwata ta’ għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja ssostni li minħabba l-post tal-ajruport fl-Eks-Repubblika Demokratika Ġermaniża, l-ajruport ibati minn investiment b’lura u jrid iwettaq investimenti sostanzjali f’perjodu ta’ żmien iqsar meta mqabbel ma’ ajruporti oħra.

(120)

Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, il-miżuri infrastrutturali ma kinux isiru mingħajr l-għajnuna mill-Istat. Biex issostni dan, il-Ġermanja ddikjarat li fl-2005, il-grupp MFAG kien iġġenera dħul ta’ EUR 83,8 sa 118-il miljun u l-FLH EUR 47 sa 80 miljun. Għalhekk, fl-opinjoni tal-Ġermanja, il-volum tal-investiment ta’ EUR 255,625 miljun huwa aktar minn darbtejn sa 3 darbiet id-dħul konsolidat tal-MFAG u aktar minn 3 sa 5 darbiet id-dħul tal-FLH matul il-perjodu li fih kienu ġew deċiżi l-proġetti ta’ infrastruttura.

(121)

Fl-aħħar nett, il-Ġermanja qalet li l-proporzjon bejn il-volum tad-dħul u tal-investiment juri li l-impriżi kkonċernati ma kinux iwettqu dawn il-miżuri mingħajr finanzjament pubbliku.

3.4.4.   L-effett ta’ inċentiv

(122)

Fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv, il-Ġermanja indikat li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri infrastrutturali involuti kienu ġustifikati. Il-Ġermanja qalet li l-miżuri infrastrutturali ma kinux isiru mingħajr il-finanzjament mill-Istat (ara t-Taqsima 3.4.3).

(123)

Għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, il-Ġermanja indikat li l-fatt li wħud mill-proġetti ta’ investiment diġà kienu tlestew ma jnaqqasx l-effett ta’ inċentiv peress li l-azzjonisti diġà kienu ħadu l-impenji tagħhom għall-finanzjament qabel ma bdew jiġu implimentati l-miżuri infrastrutturali. Skont il-Ġermanja, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-proġetti ta’ infrastruttura jistgħu jrendu xi dħul apprezzabbli mill-kapital hija ċertament żbaljata fir-rigward tan-natural tal-miżuri inkwistjoni u hija wkoll f’konflitt mal-prattika preċedenti tal-Kummissjoni dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Skont il-Ġermanja, f’diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni diġà kienet irrikonoxxiet li normalment dawn it-tip ta’ miżuri ma jrendu l-ebda dħul apprezzabbli mill-kapital.

3.4.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu)

(124)

Skont il-Ġermanja, il-proporzjonalità tal-miżuri infrastrutturali tista’ wkoll tiġi dedotta mill-fatt li dawn jgħinu biex titnaqqas il-konġestjoni f’ajruporti Ġermaniżi oħra tal-merkanzija.

(125)

Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li l-ammont u l-intensità tal-finanzjament kienu ristretti għall-minimu assolut meħtieġ għat-twettiq tal-miżuri infrastrutturali. Skont il-Ġermanja, l-ispejjeż kienu stabbiliti bil-quddiem billi nkisbu stimi tal-ispejjeż u pjanijiet preliminari. Barra minn hekk, il-Ġermanja sostniet li, kuntrarju għad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, l-ajruport ma setax iżid id-dħul tiegħu billi jżid it-tariffi tal-ajruport. Fil-fehma tal-Ġermanja, dan huwa l-każ għaliex ħafna mill-investimenti huma relatati ma’ miżuri infrastrutturali li fuqhom ma tista’ tiġi imposta l-ebda imposta separata.

(126)

Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li ġeneralment ma kienx possibbli li l-ispejjeż ta’ investiment għall-bini ta’ infrastruttura ta’ ajruport jiġu koperti billi jiżdiedu t-tariffi għall-utenti tal-ajruport. Il-Ġermanja argumentat li peress li t-tariffi tal-ajruport kienu ġew approvati mill-awtorità rilevanti tal-ajruport tal-Land rispettiv fejn jinsab l-ajruport konċernat, il-kostijiet ta’ investiment għall-bini tal-infrastruttura tal-ajruport ma setgħux jingħaddew lill-utenti tal-infrastruttura bid-diskrezzjoni tal-operatur. Skont il-Ġermanja, kull żieda ulterjuri fit-tariffi ajruportwali tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle ma tkunx konformi mas-suq u għalhekk ma tkunx infurzabbli fir-rigward tal-linji tal-ajru li jużaw l-ajruport. Skont il-Ġermanja, ta’ min ifakkar li t-tariffi tal-FLH diġà huma ogħla mil-livell tas-soltu tas-suq.

(127)

Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li l-intensità ta’ għajnuna prevista kienet ġustifikata. Skont il-Ġermanja, l-ammont previst ta’ fondi pubbliċi biss jista’ jiggarantixxi li l-investimenti jsiru sal-limitu u fil-perjodu ta’ żmien meħtieġ. Il-Ġermanja qalet li l-impossibbiltà li miżuri infrastrutturali ta’ ajruport reġjonali ta’ dan it-tip jiġu finanzjati privatament intweriet biżżejjed kemm mill-prattika tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u mill-fatt li ma hemm l-ebda każ magħruf li fih investituri privati ffinanzjaw miżuri bħal dawn a spejjeż tagħhom stess.

(128)

Il-Ġermanja argumentat li l-Kummissjoni ripetutament u spiss approvat intensitajiet ta’ għajnuna sa 100 %. Skont il-Ġermanja, fil-każ ta’ investimenti simili għall-investimenti inkwistjoni, il-prattika tal-Kummissjoni wriet li dawn l-investimenti jrid ikollhom intensità ta’ għajnuna ta’ mill-inqas 75 % sabiex jitwettqu.

(129)

Il-Ġermanja qalet li peress li l-FLH kienet inbniet fl-interess pubbliku tal-Ġermanja, il-miżuri infrastrutturali ma kienu bbażati fuq ebda pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, kalkolu tal-profittabilità jew dikjarazzjonijiet finanzjarji.

(130)

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Ġermanja pprovdiet kalkoli tad-diskrepanza tal-likwidità kif jidher fil-qosor fit-Tabella 5 u fit-Tabella 6.

Tabella 5

Kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità – Xenarju I – Investimenti ffinanzjati permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital li saru fl-2014

Xenarju I – Investimenti finanzjati permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital li saru fl-2014

F’miljuni ta’ EUR

Rata ta’ skont (27)

[…] %

VPN tas-Σ tal-Flussi ta’ flus tal-FLH 2006-2055

(…)

VPN tal-miżuri ta’ investiment notifikati M1-M16.2 (inklużi spejjeż li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku)

189,4

VPN tad-diskrepanza tal-likwidità

166,9

Intensità tal-għajnuna (28)

88,1  %


Tabella 6

Kalkolu tad-diskrepanza tal-likwidità – Xenarju II – Investimenti finanzjati permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital li saru fl-istess ħin flimkien mal-investimenti

Xenarju II – Investimenti finanzjati permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital li saru fiż-żmien meta kien meħtieġ il-finanzjament (29)

F’miljuni ta’ EUR

Rata ta’ skont

[…] %

VPN tas-Σ tal-Flussi ta’ flus tal-FLH 2006-2055

(…)

VPN tal-miżuri ta’ investiment notifikati M1-M16.2 (inklużi spejjeż li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku)

189,4

VPN tad-diskrepanza tal-likwidità

142,1

Intensità tal-għajnuna (30)

75,00  %

3.4.6.   L-evitar tal-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(131)

Fir-rigward tal-evitar tal-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-Ġermanja enfasizzat li l-bilanċ ġenerali tal-miżuri infrastrutturali fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien se jkun pożittiv u l-miżuri ma kienx se jkollhom effett negattiv bla bżonn fuq il-kummerċ u fuq il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja sostniet li l-miżuri infrastrutturali inkwistjoni huma ta’ natura mhux espansjonarja u m’għandhom l-ebda effett fuq il-volum tat-traffiku. Il-Ġermanja indikat li f’deċiżjonijiet oħra l-Kummissjoni kienet diġà rrikonoxxiet li l-miżuri li ma kinux espansjonarji fin-natura tagħhom ma għandhom l-ebda impatt materjali fuq il-kompetizzjoni bejn l-ajruporti.

(132)

Il-Ġermanja qasmet il-kompetituri potenzjali tal-FLH fi tliet kategoriji prinċipali: (i) ajruporti fl-inħawi tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle, (ii) ajruporti Ġermaniżi oħra tal-merkanzija u (iii) ajruporti ewlenin tal-merkanzija tal-Unjoni.

(133)

Fir-rigward tal-ajruporti fil-viċinanza ta’ Leipzig/Halle, il-Ġermanja nnotat li l-ebda wieħed minn dawn l-ajruporti ma jispeċjalizza fit-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Barra minn hekk, il-Ġermanja sostniet li l-ebda wieħed mill-ajruporti li ġejjin, bħall-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz, ta’ Berlin Brandenburg, ta’ Dresden, ta’ Erfurt, ta’ Hof, ta’ Magdeburg, ta’ Magdeburg-Cochstedt u ta’ Praga, ma kienu f’kompetizzjoni reali ma’ Leipzig/Halle. Biex issostni dan, il-Ġermanja qalet li għal xi wħud minn dawn l-ajruporti d-distanzi ġeografiċi kienu kbar wisq, l-ajruporti kienu jinsabu f’reġjuni ekonomiċi differenti, iż-żoni ta’ lħuq kienu pjuttost differenti jew l-ajruporti kienu ta’ daqs żgħir ħafna.

(134)

Fir-rigward tal-ajruporti Ġermaniżi oħra tal-merkanzija, il-Ġermanja qalet li l-kompetizzjoni tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle kienet limitata peress li ċ-ċentri Ġermaniżi ewlenin tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (Frankfurt am Main, Munich u Cologne/Bonn), li kienu f’kompetizzjoni ma’ Leipzig/Halle, kellhom restrizzjonijiet fuq il-kapaċità jew restrizzjonijiet fuq titjiriet bil-lejl.

(135)

Skont il-Ġermanja, lanqas ma kien hemm sovrappożizzjoni kompetittiva ma’ ajruporti oħra tal-merkanzija tal-Unjoni, jiġifieri Brussell u Vatry. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li minħabba l-pożizzjoni ċentrali tiegħu f’nofs l-Ewropa, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa l-uniku li jservi kemm l-Ewropa tal-Punent kif ukoll tal-Lvant, iżda la Brussell u lanqas Vatry ma kienu fil-pożizzjoni li jiggarantixxu aċċess suffiċjenti għas-swieq dejjem aktar importanti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Vatry, il-Ġermanja rrilevat li Vatry kien ajruport żgħir ħafna u li fl-2010 il-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien pereżempju aktar minn 80 darba akbar mill-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fl-ajruport ta’ Vatry. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, Vatry ma jgawdix l-istess konnessjonijiet tajbin għan-netwerk ferrovjarju u tat-toroq bħall-ajruport ta’ Leipzig/Halle. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Brussell, il-Ġermanja argumentat li filwaqt li fl-aħħar snin l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien ra żieda fil-volum ta’ merkanzija, fuq l-istess perjodu l-ajruport ta’ Brussell kien ra tnaqqis. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, l-ajruport ta’ Brussell kien soġġett għal restrizzjoni sinifikanti fuq titjiriet billejl u għalhekk il-kompetizzjoni kienet limitata.

(136)

Barra minn hekk, il-Ġermanja qalet li, għall-kuntrarju tal-opinjoni tal-Kummissjoni, l-utenti potenzjali kollha kellhom aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura tal-ajruport. Skont il-Ġermanja, l-utenti individwali tal-ajruport ma rċevew ebda ribassi mhux ġustifikati abbażi tal-volum. Barra minn hekk, fil-fehma tal-Ġermanja, il-kwistjoni ta’ aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-ajruport diġà kienet ġiet indirizzata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni preċedenti tagħha dwar il-finanzjament tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle. (31)

(137)

Konsegwentement, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-għajnuna mill-Istat, jekk fil-fatt hija tali, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern.

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI

4.1.   MITTELDEUTSCHE AIRPORT HOLDING (MFAG)

(138)

Fis-26 ta’ Ottubru 2011, l-MFAG flimkien mal-FLH ippreżentat kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-kummenti tal-MFAG huma ġeneralment fuq l-istess nota tal-kummenti tal-Ġermanja.

4.1.1.   Il-kunċett ta’ attività ekonomika u mandat tal-ordni pubbliku

(139)

L-MFAG kompliet tgħid li l-bini ta’ infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle ma jikkostitwixxix attività ekonomika. Għalhekk, skont l-MFAG il-finanzjament inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. F’dan ir-rigward, l-MFAG sostniet li investitur privat ma kienx iwettaq il-miżuri inkwistjoni u xorta jibqa’ ma jwettaqhomx. Għalhekk, l-MFAG qalet li m’hemmx suq għall-infrastruttura tal-ajruporti. F’dan il-kuntest, l-MFAG kompliet tgħid li l-ajruporti mhumiex kapaċi jiffinanzjaw l-investimenti infrastrutturali tagħhom huma stess. L-MFAG kienet imħassba li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal infrastruttura ta’ ajruport se twassal għal tnaqqis fl-investimenti fl-infrastruttura tal-ajruporti.

(140)

L-MFAG qalet ukoll li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle ġie żviluppat fl-interess pubbliku u li t-test tal-MEO mhuwiex applikabbli għall-finanzjament ta’ infrastruttura ta’ ajruport. F’dan ir-rigward, l-MFAG sostniet li fl-Unjoni ma kienx hemm każ wieħed ta’ investitur privat li bena jew li żviluppa b’mod sostanzjali ajruport mir-riżorsi tiegħu stess. Għalhekk, skont l-MFAG, minflok ma tuża t-test tal-MEO, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-infrastruttura hijiex offruta lill-utenti tagħha kollha b’mod miftuħ u mhux diskriminatorju. L-MFAG kompliet tgħid li dan huwa l-każ fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. Għalhekk, skont l-MFAG, il-miżuri infrastrutturali ma kinux ġew ibbażati fuq pjan ta’ direzzjoni tan-negozju jew fuq prospetti ta’ profittabilità fit-tul.

(141)

Barra minn hekk, l-MFAG kompliet tiċċara li l-bini tal-ajruport kienet għenet biex jiġu segwiti l-miri tal-politika reġjonali u biex tappoġġa reġjun ekonomikament żvantaġġat. L-MFAG saħqet li din hija responsabbiltà tipika tal-Istat u li ma tistax issir minn investituri privati, u għalhekk ma tistax tiġi valutata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(142)

L-MFAG kompliet targumenta li anke kieku – quod non – il-finanzjament ta’ infrastruttura inġenerali jikkostitwixxi attività ekonomika, il-miżuri inkwistjoni jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika, u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

(143)

Fir-rigward ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku, l-MFAG qalet li l-Kummissjoni għandha tiddistingwi bejn il-protezzjoni tat-trasport bl-ajru kontra theddidiet esterni, il-protezzjoni tat-traffiku tal-ajru kontra theddidiet operazzjonali, u l-protezzjoni ta’ partijiet terzi kontra theddidiet operazzjonali tat-traffiku tal-ajru. F’dan ir-rigward, l-MFAG qalet li l-protezzjoni kontra theddidiet operazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ partijiet terzi għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. L-MFAG qalet li fil-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha l-Kummissjoni kienet qieset miżuri fil-qasam tal-protezzjoni kontra n-nirien, tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, b’mod partikolari d-Deutscher Wetterdienst (Servizz Meteoroloġiku tal-Ġermanja) u d-Deutsche Flugsicherung (Navigazzjoni bl-Ajru tal-Ġermanja) bħala li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

4.1.2.   Il-konformità tas-self mill-azzjonisti tal-FLH mas-suq

(144)

Skont l-MFAG, is-self mill-azzjonisti kien ingħata skont termini tas-suq. L-MFAG qalet li l-klassifikazzjonijiet tal-MFAG minn Nord LB u minn Deutsche Kreditbank AG għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, l-MFAG iċċarat li n-Nord LB d-Deutsche Kreditbank AG kienu kklassifikaw lill-MFAG u lill-FLH fil-kategorija ta’ klassifikazzjoni […] bi probabbiltà medja ta’ inadempjenza ta’ […] %. L-MFAG iċċarat ukoll li l-kategorija ta’ klassifikazzjoni […] hija komparabbli mal-kategorija ta’ klassifikazzjoni esterna ta’ Standard&Poor’s ta’ […] sa […] ta’ Moody’s ta’ […] sa […] u ta’ Fitch ta’ […] sa […].

(145)

L-MFAG kompliet tgħid li s-self mill-azzjonisti tal-FLH huwa wkoll ferm kollateralizzat. Barra minn hekk, l-MFAG iċċarat li s-self tal-FLH se jintuża biex jiffinanzja investimenti infrastrutturali sostenibbli. L-MFAG iċċarat ukoll li l-assi tal-FLH mhumiex mirhuna ma xi ipoteki (“Grundpfandrechte”). Għalhekk, l-MFAG hija tal-fehma li minħabba l-klassifikazzjoni tajba ħafna u l-livell għoli ta’ kollateralizzazzjoni l-marġni tar-riskju għandu jiġi stabbilit f’massimu ta’ […] punti bażi.

(146)

Peress li l-marġni tar-riskju tas-self tal-FLH huma stabbiliti bejn […] u […] punti bażi, l-MFAG hija tal-fehma li s-self huwa skont termini tas-suq u ma jinvolvix għajnuna mill-Istat.

4.1.3.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(147)

L-MFAG hija tal-fehma li fi kwalunkwe każ l-injezzjonijiet ta’ kapital huma kompatibbli mas-suq intern.

(148)

L-MFAG qalet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu impatt pożittiv kbir fuq l-impjiegi fir-reġjun b’5 100 impjegat (inklużi l-impjegati tal-MFAG, tal-linji tal-ajru, tar-ristoranti, tal-impriżi tal-forniment tal-ikel, tal-awtoritajiet pubbliċi, u ta’ impriżi oħra) li jaħdmu direttament fl-ajruport u madwar 8 100 impjegat indirett.

(149)

Barra minn hekk, l-MFAG saħqet li fid-dawl tar-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità u r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet bil-lejl f’ajruporti oħra (bħal Frankfurt/Main, Munich, Berlin, Düsseldorf, u Ħamburg), l-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu rwol importanti f’termini ta’ tnaqqis tal-konġestjoni ta’ dawn l-ajruporti Ġermaniżi l-oħra, u għalhekk jikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista għall-Ġermanja kollha.

(150)

Fir-rigward tan-natura mhux diskriminatorja tat-tariffi tal-ajruport, l-MFAG qalet li l-iskeda tat-tariffi tal-ajruport fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle ma tfasslitx biex tiffavorixxi linja tal-ajru waħda biss u l-linji tal-ajru kollha jintalbu jħallsu l-istess imposti ta’ llandjar. Għalhekk, skont l-MFAG, l-infrastruttura tintuża mill-utenti kollha tagħha b’mod uniformi u mhux diskriminatorju.

(151)

Fir-rigward tan-neċessità tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv tagħha, l-MFAG qalet li l-miżuri ma kinux isiru mingħajr is-self mill-azzjonisti jew l-injezzjonijiet ta’ kapital. Skont l-MFAG, is-somma totali tal-investiment ta’ EUR 225,6 miljuni tirrapreżenta darbtejn jew tliet darbiet il-fatturat medju tal-MFAG u aktar minn ħames darbiet il-fatturat annwali medju tal-FLH fil-perjodu li fih ġew deċiżi l-proġetti ta’ infrastruttura. Skont l-MFAG, il-fatt li l-miżuri diġà twettqu parzjalment ma jeskludix il-preżenza tal-effett ta’ inċentiv peress li dawn il-miżuri saru biss wara li ġew riċevuti l-garanziji ta’ finanzjament u d-deċiżjonijiet tal-azzjonisti pubbliċi, li pprovdew ukoll il-finanzjament interim permezz tas-self min-naħa tal-azzjonisti.

(152)

L-MFAG qalet li l-miżuri inkwistjoni ma fixklux il-kompetizzjoni b’mod negattiv. Barra minn hekk, l-MFAG qieset li ma hemm l-ebda impatt negattiv fuq l-ajruport ta’ Brussell jew fuq l-ajruport ta’ Vatry. Skont l-MFAG, l-ajruport ta’ Brussell ibati minn restrizzjonijiet fuq titjiriet bil-lejl, li kienu r-raġuni għaliex id-DHL iddeċidiet li timxi lejn Leipzig/Halle fuq terminu twil. Fir-rigward ta’ Vatry, l-MFAG qalet li, skont artikoli fl-istampa, l-attività tal-merkanzija f’dan l-ajruport hija limitata ħafna (sempliċiment madwar 5 sa 6 titjiriet fil-ġimgħa).

4.2.   ARBEITSGEMEINSCHAFT DEUTSCHER VERKEHRSFLUGHÄFEN (ADV)

(153)

L-ADV bagħtet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fis-27 ta’ Ottubru 2011. Il-kummenti tal-ADV huma kompletament konformi mal-kummenti tal-MFAG. L-ADV indikat li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa importanti għall-iżvilupp reġjonali.

4.3.   DEUTSCHE FLUGSICHERUNG (DFS)

(154)

Id-DFS ippreżentat il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra datata t-28 ta’ Ottubru 2011.

(155)

Id-DFS qalet li l-proġetti infrastrutturali M3 sa M8 u M10 (ara t-Tabella 2) jikkontribwixxu għall-immaniġġjar sigur u bla xkiel tat-traffiku tal-ajru fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. F’dan ir-rigward, id-DFS qalet li l-M3 għenet biex jittaffa l-piż fuq it-taxiways u fuq il-pontijiet li jaqsmu, l-M5 kienet meħtieġa b’urġenza biex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda ostakli għat-taxiing fil-parti tan-Nofsinhar tal-ajruport, u l-M8 isservi bħala l-bażi għal salvataġġ bl-ajru u għal operazzjonijiet ta’ emerġenza. Id-DFS kompliet tgħid li l-M10 se tgħin lill-ħidma tad-DFS skont it-Taqsima 29b (2) tal-Luftverkehrsgesetz (Att dwar it-Trasport bl-Ajru, “LuftVG”) fil-ħidma għall-protezzjoni tal-pubbliku kontra storbju irraġonevoli.

4.4.   L-AZZJONIST TAL-MFAG JEW/U TAL-FLH

4.4.1.   Landkreis Nordsachsen

(156)

Landkreis Nordsachsen ippreżentat il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2011.

(157)

Il-Landkreis Nordsachen qalet li l-ajruport kien impetu importanti għall-iżvilupp ekonomiku u għall-impjiegi fir-reġjun. Barra minn hekk, Landkreis Nordsachsen osservat li għal raġunijiet storiċi l-ajruport għandu ħtieġa akbar ta’ aktar investimenti minn ajruporti Ġermaniżi oħra. Iddikjarat li l-kunċett ta’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika għandu jiġi interpretat b’mod usa’.

(158)

Il-Landkreis Nordsachsen kompliet tgħid li t-tariffi tal-ajruport mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa. Fil-fehma tagħha l-injezzjonijiet ippjanati ta’ kapital kellhom effett ta’ inċentiv. Il-Landkreis Nordsachsen ikkonkludiet il-kummenti tagħha bid-dikjarazzjoni li mingħajr il-finanzjament l-ajruport ma kienx ikun jista’ jimplimenta l-proġett ta’ infrastruttura.

4.4.2.   Il-Belt ta’ Dresden

(159)

Il-Belt ta’ Dresden, azzjonista minoritarja fl-MFAG, ippreżentat il-kummenti tagħha fit-28 ta’ Ottubru 2011. Il-kummenti tal-Belt ta’ Dresden kienu konformi mal-kummenti tal-MFAG u tal-Landkreis Nordsachsen.

(160)

Il-Belt ta’ Dresden qalet li l-ajruport huwa l-akbar impjegatur fir-reġjun, li jimpjega direttament 5 100 persuna. Għalhekk, il-Belt ta’ Dresden saħqet li l-ajruport huwa stimulu ekonomiku importanti għar-reġjun. Barra minn hekk, il-Belt ta’ Dresden argumentat li minħabba l-permess għal titjiriet bil-lejl, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu rwol importanti fit-tnaqqis tal-konġestjoni f’ajruporti Ġermaniżi oħra.

(161)

Il-Belt ta’ Dresden qalet li l-ispejjeż ta’ investiment f’infrastruttura ta’ ajruport ma jistgħux jiġu kompletament iffinanzjati permezz ta’ tariffi ajruportwali mill-utenti tal-ajruport. Kompliet tgħid li storikament l-iżvilupp tal-ajruporti kien ġeneralment iffinanzjat minn fondi pubbliċi. Barra minn hekk, skont il-Belt ta’ Dresden, fil-Ġermanja t-tariffi tal-ajruport ma jiġux stabbiliti liberament mill-operaturi tal-ajruport, iżda jridu jiġu uffiċjalment approvati mill-awtoritajiet pubbliċi.

(162)

Il-Belt ta’ Dresden qalet ukoll li l-miżuri infrastrutturali fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle ma affettwawx b’mod mhux xieraq is-suq intern peress li l-ajruporti Ġermaniżi u barranin kollha f’kompetizzjoni kienu qed joperaw qrib il-kapaċità sħiħa, filwaqt li l-ajruport ta’ Vatry bilkemm jitħaddem.

4.4.3.   Stadt Leipzig

(163)

Fit-28 ta’ Ottubru 2011 il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-Belt ta’ Leipzig, li hija azzjonista fl-MFAG. Il-kummenti tal-Belt ta’ Leipzig kienu kompletament konformi mal-kummenti tal-Belt ta’ Dresden u tal-MFAG.

4.5.   BURDNARA TAL-MERKANZIJA BL-AJRU U KUMPANIJI TAL-KUNSINNA ESPRESS TAL-PAKKETTI

4.5.1.   European Air Transport Leipzig (EAT)

(164)

Fis-27 ta’ Ottubru 2011 l-EAT, kumpanija tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru bbażata fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle, ippreżentat il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. L-EAT qalet li hija sussidjarja 100 % ta’ Deutsche Post AG u tuża l-ajruport ta’ Leipzig/Halle bħala ċ-ċentru prinċipali tagħha.

(165)

L-EAT qalet li sa fejn taf hi l-utenti potenzjali kollha għandhom aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura. L-EAT kompliet tiċċara li dan huwa appoġġjat b’mod partikulari mis-sistema trasparenti ta’ pprezzar li tapplika għall-utenti kollha.

4.5.2.   Lufthansa Cargo

(166)

Il-Lufthansa Cargo ppreżentat il-kummenti tagħha fis-26 ta’ Ottubru 2011. Il-kummenti tagħha huma kompletament konformi mal-kummenti tal-EAT. Il-Lufthansa Cargo kkonfermat li l-utenti potenzjali kollha għandhom aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-ajruport.

4.5.3.   Emons Spedition

(167)

Emons Spedition ippreżentat il-kummenti tagħha fit-18 ta’ Ottubru 2011. Il-kummenti ta’ Emons huma kompletament konformi ma’ tal-EAT. Emons saħqet li l-finanzjament pubbliku tat-titjib fl-infrastruttura tal-ajruport huwa essenzjali għall-ajruporti u l-utenti tal-ajruport.

4.5.4.   Spero Logistics Europe

(168)

Spero Logistics Europe ppreżentat il-kummenti tagħha fit-28 ta’ Ottubru 2011. Il-kummenti ta’ Spero huma kompletament konformi mal-kummenti tal-EAT u ta’ Emons Spedition.

(169)

Spero qalet ukoll li l-permess biex jiġu operati titjiriet billejl huwa ta’ importanza partikolari għat-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Spero ċċarat li hija ddeċidiet li tibbaża l-operazzjonijiet tagħha f’Leipzig/Halle minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu (fiċ-ċentru tal-Ewropa, joffri aċċess għall-akbar suq Ewropew, u ħin iqsar ta’ titjiriet lejn l-Asja).

4.5.5.   Deutsch Russische Wirtschaftsallianz e.V. (Alleanza Ekonomika Ġermaniża-Russa)

(170)

Fil-25 ta’ Ottubru 2011, id-Deutsch Russische Wirtschaftsallianz (“Wirtschaftsallianz”) sostniet li l-iżvilupp tal-ajruport huwa essenzjali għat-tkabbir ekonomiku fir-reġjun.

(171)

Il-Wirtschaftsallianz qalet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien importanti fil-kuntest tal-proġett SALIS stabbilit għal trasport speċjali meħtieġ għall-operazzjonijiet tan-NATO fl-Afganistan. Il-Wirtschaftsallianz argumentat li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett kienu attwalment disponibbli biss f’Leipzig. Il-Wirtschaftsallianz kompliet tiċċara li dan jikkonċerna b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ sigurtà skont id-Direttivi tan-NATO, liċenzja operattiva 24/7, runways ta’ 3 000 metru, żoni suffiċjenti ta’ ħażna u ta’ tagħbija, u kapaċità ta’ manutenzjoni teknika għall-ajruplani Russi użati fil-proġett SALIS.

4.5.6.   Burdnara u assoċjazzjonijiet oħra

(172)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand Skyline Air Services, Netzwerk Logistik Leipzig-Halle e.V., Kühne+Nagel, Jet-Speed, Jade Cargo, Baring, Air Cargo Club Deutschland, Aerologic, u mingħand Volga-Dnepr. Il-kummenti tagħhom kienu kompletament konformi mal-kummenti tal-EAT, u saħqu fuq l-importanza tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle għall-iżvilupp u għall-aċċessibbiltà reġjonali.

4.6.   LINJI TAL-AJRU TAL-PASSIĠĠIERI U ASSOĊJAZZJONIJIET TAT-TURIŻMU

4.6.1.   Germanwings

(173)

Il-Germanwings, is-sussidjarja ta’ Deutsche Lufthansa AG, ippreżentat il-kummenti tagħha fis-26 ta’ Ottubru 2011.

(174)

Il-Germanwings qalet li l-bini u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ajruport ma setgħux jiġu kompletament iffinanzjati mit-tariffi tal-ajruport. Il-Germanwings spjegat li proporzjon kbir ħafna tal-miżuri identifikati fid-deċiżjoni tal-ftuħ kienu relatati ma’ miżuri ta’ sikurezza tal-ajru jew ma’ miżuri li jimplimentaw regoli dwar is-sikurezza. Il-Germanwings kompliet tgħid li dawn il-miżuri ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(175)

Il-Germanwings saħqet li l-Kummissjoni għandha tqis is-sitwazzjoni speċifika tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle u l-investimenti b’lura fl-infrastruttura tal-ajruport minħabba r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja.

(176)

Barra minn hekk, il-Germanwings qalet li l-infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle hija disponibbli għall-utenti potenzjali kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni jew trattament preferenzjali de facto għal linja tal-ajru waħda.

4.6.2.   Linji tal-ajru oħrajn u assoċjazzjonijiet tat-turiżmu

(177)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti wkoll mingħand Austrian Airlines, Alltours, Bundesverband der Deutsche Luftverkehrswirtschaft, Deutscher Reise Verband, u mingħand Bundesverband der Deutschen Tourismuswirtschaft. Il-kummenti tagħhom kienu kompletament konformi mal-kummenti tal-Germanwings.

4.7.   IMPRIŻI LI JINSABU FL-INĦAWI TAL-AJRUPORT U ASSOĊJAZZJONIJIET

4.7.1.   BMW Werk Leipzig (BMW)

(178)

Il-BMW ippreżentat il-kummenti tagħha permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2011.

(179)

Il-BMW qalet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa importanti għall-industrija lokali u għandu effetti esterni pożittivi fuq ir-reġjun u fuq l-impriżi stabbiliti. Il-BMW kompliet tgħid li l-Kummissjoni għandha tqis l-investiment b’lura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle qabel ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja. Minħabba l-importanza tal-ajruport għar-reġjun, il-BWM tqis li l-finanzjament pubbliku għandu jitqies kompatibbli.

4.7.2.   EADS Elbe Flugzeugwerke (EADS)

(180)

L-EADS ippreżentat il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Ottubru 2011.

(181)

L-EADS indikat li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa importanti ħafna għall-ekonomija tar-reġjun u kien fattur ewlieni fid-deċiżjoni tal-EADS biex tistabbilixxi s-sussidjarja tagħha f’dan ir-reġjun.

4.7.3.   European Energy Exchange AG (EEX)

(182)

L-EEX, kumpanija fil-kummerċ tal-enerġija li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha f’Leipzig, ippreżentat il-kummenti tagħha fis-27 ta’ Ottubru 2011.

(183)

L-EEX qalet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien importanti ħafna għar-reġjun u għall-impjegati tal-EEX. L-EEX kompliet tgħid li ma tara l-ebda possibbiltà li tissostitwixxi lill-FLH billi tuża ajruporti Ewropej oħra bħala alternattiva.

4.7.4.   Industrie- und Handelskammer Halle-Dessau [Il-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija ta’ Halle-Dessau] (IHK)

(184)

L-IHK ippreżentat il-kummenti tagħha fis-26 ta’ Ottubru 2014.

(185)

L-IHK qalet li hemm interdipendenzi pożittivi li jirriżultaw mill-kompetizzjoni fis-suq tal-ajruporti tal-Unjoni. F’dan ir-rigward l-IHK qalet li titjib infrastrutturali f’post wieħed għandu wkoll impatt pożittiv fuq ajruporti oħra. F’dan is-sens, l-IHK kompliet tgħid li l-effetti pożittivi tan-netwerk tal-programm ta’ infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle kienu predominanti. Fl-opinjoni tal-IHK hemm bżonn li jiġu kkunsidrati d-dgħufija strutturali tar-reġjun u l-investimenti b’lura fil-Ġermanja tal-Lvant. Fl-aħħar nett, l-IHK qalet li mingħajr investiment pubbliku inizjali, kien inkonċepibbli li jsiru investimenti estensivi ta’ segwitu mis-settur privat.

4.7.5.   Assoċjazzjonijiet oħra

(186)

Il-Kummissjoni rċeviet ukoll kummenti mingħand Handwerkskammer zu Leipzig, Industrie- und Handelskammer zu Leipzig, Wirtschaftsinitiative Mitteldeutschland, u mingħand Leipziger Messe. Dawn il-kummenti kienu kompletament konformi mal-kummenti tal-BMW u tal-EADS.

4.8.   L-INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI TA’ SCHKEUDITZ “KONTRA L-ISTORBJU”

(187)

L-inizjattiva taċ-ċittadini ppreżentat il-kummenti tagħha fl-24 ta’ Awwissu 2011.

(188)

L-inizjattiva taċ-ċittadini qalet li l-membri tagħha kienu nnotaw li r-runway tan-nofsinhar tintuża kważi esklussivament mid-DHL. Skont l-inizjattiva taċ-ċittadini d-DHL kienet kważi l-uniku utent tar-runway u taż-żona tax-Xlokk tal-ajruport. L-inizjattiva spjegat li fid-dawl tal-użu intensiv ta’ din l-infrastruttura mid-DHL, ma setax jiġi preżunt li l-investimenti kienu relatati mat-trasport tal-passiġġieri.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA DWAR IL-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI

(189)

Il-Ġermanja bdiet l-osservazzjonijiet tagħha billi qalet li l-34 kumment minn partijiet terzi kienu jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri nnotifikati.

(190)

Il-Ġermanja qalet li l-kummenti tal-partijiet terzi kkonfermaw il-fehma tagħha li l-miżuri infrastrutturali inkwistjoni jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja saħqet li d-DFS enfasizzat li M3 sa M8 u M10 kienu jikkostitwixxu miżuri li kienu saru fl-eżerċizzju ta’ responsabbiltajiet governattivi. Il-Ġermanja enfasizzat ukoll li għadd ta’ partijiet terzi kienu argumentaw li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma kinux applikabbli għall-miżuri inkwistjoni.

(191)

Barra minn hekk, il-Ġermanja indikat li l-kummenti juru biċ-ċar li l-finanzjament pubbliku huwa konformi mal-kriterji skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat. Il-Ġermanja qalet li b’mod partikolari l-ibliet, l-awtoritajiet lokali u l-kmamar tal-kummerċ kif ukoll l-impriżi li jinsabu fir-reġjun enfasizzaw l-importanza ekonomika u reġjonali tal-ajruport. Skont il-Ġermanja, għalhekk ma kienx hemm dubju li l-bini u l-operazzjoni tal-ajruport jaqdu objettiv definit b’mod ċar ta’ interess komuni. Barra minn hekk, il-Ġermanja argumentat li l-kummenti ta’ partijiet terzi kkonfermaw ukoll il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-finanzjament pubbliku.

(192)

Fir-rigward tal-possibilità ta’ impatt negattiv bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, il-Ġermanja indikat li la l-ajruport ta’ Vatry u lanqas ta’ Brussell ma kienu ppreżentaw kummenti dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Skont il-Ġermanja, dan juri li l-ebda wieħed minn dawn l-ajruporti ma kien imħasseb dwar xi impatt negattiv tal-miżuri inkwistjoni. Il-Ġermanja indikat li din il-fehma kienet appoġġjata wkoll minn partijiet terzi oħra, bħal Lufthansa Cargo, Austrian Airlines, Germanwings u Jade Cargo. Il-Ġermanja kompliet tgħid li Alltours, Deutscher Reise Verband, BARING u Aircargo Club Deutschland qalu wkoll li ma hemm l-ebda sovrappożizzjoni kompetittiva ta’ żoni ta’ qbid bejn l-ajruport ta’ Leipzig/Halle u ta’ Brussell jew ta’ Vatry.

(193)

Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ aċċess ugwali u mhux diskriminatorju għall-ajruport, il-Ġermanja indikat li l-kummenti minn partijiet terzi jikkonfermaw li t-tariffi tal-ajruport kienu ġew stabbiliti b’mod mhux diskriminatorju.

6.   VALUTAZZJONI

(194)

Skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat “kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.”

(195)

Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma kumulattivi. Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, dawk il-miżuri jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jingħataw mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat,

(b)

jiffavorixxu lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti,

(c)

ifixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni,

(d)

jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.1.   IL-KUNĊETT TA’ IMPRIŻA U TA’ ATTIVITÀ EKONOMIKA

6.1.1.   Il-kunċett ta’ impriża

(196)

Fir-rigward tal-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-ewwel irid jiġi stabbilit jekk il-benefiċjarju huwiex involut f’attività ekonomika, u b’hekk jistax jitqies bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. (32)

(197)

F’dan ir-rigward, il-Ġermanja sostniet li l-kunċett ta’ “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat ma japplikax għall-ajruporti, għall-anqas għal dak li jikkonċerna l-finanzjament ta’ infrastruttura ta’ ajruport reġjonali. Il-Ġermanja kienet tal-fehma li l-bini ta’ din l-infrastruttura mhijiex attività ekonomika, iżda miżura ġenerali li ssegwi kunsiderazzjonijiet ta’ trasport, tal-politika ekonomika u reġjonali. Barra minn hekk, il-Ġermanja affermat li l-bini ta’ infrastruttura ta’ ajruport ma tikkostitwixxix attività ekonomika għaliex investitur privat ma kienx jidħol għal dik l-attività. F’dak ir-rigward, il-Ġermanja kompliet tgħid li l-ispejjeż fissi tal-ajruporti relatati mal-infrastruttura, mat-tagħmir u mal-operat huma ogħla mill-medja. Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvra tagħhom huwa limitat minħabba obbligi u kundizzjonijiet ġuridiċi stretti. Il-Ġermanja qieset ukoll li r-referenzi għas-sentenza Aéroports de Paris u għas-sentenza Leipzig/Halle huma irrelevanti għall-miżuri inkwistjoni. Fir-rigward tas-sentenza Aéroports de Paris, il-Ġermanja sostniet li s-sentenza ma tikkonċernax il-bini ta’ infrastrutturi ta’ ajruport, iżda l-operat ta’ ajruport. Barra minn hekk, il-Ġermanja qieset li s-sentenza Aéroports de Paris ma tikkonċernax l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “impriża” skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, iżda tikkonċerna ksur tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont it-tifsira tal-Artikolu 102 tat-Trattat. Fir-rigward tas-sentenza Leipzig/Halle, il-Ġermanja qieset li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda effett bħala preċedent fil-ġurisprudenza, peress li hija soġġetta għal appell.

(198)

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “impriża”, irid jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddefinixxiet impriżi bħala entitajiet involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku jew mis-sjieda tagħhom u mill-mod kif ikunu ffinanzjati (33). Kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti u servizzi f’suq hija attività ekonomika (34). In-natura ekonomika ta’ attività fiha nnifisha ma tiddependix fuq jekk l-attività tiġġenerax profitti (35).

(199)

F’Aéroports de Paris  (36), il-Qorti ddeċidiet li l-operat ta’ ajruport li jikkonsisti fil-forniment ta’ servizzi tal-ajruport lil-linji tal-ajru u lil fornituri varji tas-servizz tikkostitwixxi attività ekonomika. Fis-sentenza tagħha fil-Kawża Leipzig/Halle airport  (37), il-Qorti Ġenerali ċċarat li l-operat ta’ ajruport huwa attività ekonomika, li minnha l-bini tal-infrastruttura tal-ajruport tagħmel parti inseparabbli.

(200)

Il-Kummissjoni tfakkar li fis-sentenza tagħha Leipzig/Halle airport, il-Qorti Ġenerali sostniet li, mis-sena 2000, l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-infrastruttura ta’ ajruport ma setgħetx tibqa’ tiġi eskluża (38). Konsegwentement, mid-data tas-sentenza f’Aéroports de Paris (12 ta’ Diċembru 2000), l-operat u l-bini tal-infrastruttura ta’ ajruport iridu jiġu kkunsidrati bħala kompitu li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

(201)

Fis-sentenza tagħha Leipzig/Halle airport. il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li mhuwiex rilevanti jekk il-bini jew l-estensjoni ta’ infrastruttura tal-ajruport tippruvax tilħaq għanijiet tal-politika reġjonali, ekonomika jew tat-trasport. Skont każistika stabbilita mhuwiex rilevanti liema għanijiet qed jiġu segwiti minn miżuri speċifiċi iżda pjuttost x’effetti jikkawżaw (39).

(202)

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Leipzig/Halle airport, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-eżistenza ta’ suq għal infrastruttura ta’ ajruport tidher mill-fatt li l-Ajruport ta’ Leipzig Halle kien qed jikkompeti ma’ ajruporti reġjonali oħra, b’mod partikolari ma’ Vatry (Franza) u ma’ Brussell (il-Belġju) biex isir iċ-ċentru Ewropew għat-trasport tal-merkanzija bl-ajru tad-DHL.

(203)

Skont il-każistika għandu jitqies ukoll li, għall-fini tal-valutazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet tal-operatur ta’ ajruport fil-kuntest tal-finanzjament pubbliku ta’ miżuri ta’ żvilupp infrastrutturali, ma hemm l-ebda raġuni biex l-attività tal-bini jew tat-tkabbir tal-infrastruttura tiġi diżassoċjata mill-użu sussegwenti tagħha. (40)

(204)

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha Leipzig/Halle airport, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li: “ir-runways huma elementi essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi mmexxija minn operatur ta’ ajruport. Il-bini ta’ runways jippermetti, għaldaqstant, lil ajruport sabiex iwettaq l-attività ekonomika prinċipali tiegħu jew fil-każijiet meta jkun jirrigwarda l-bini ta’ runway addizzjonali jew ta’ estensjoni ta’ runway eżistenti, jippermettilu li jiżviluppaha.”

(205)

Fid-dawl tal-każistika ċċitata fil-premessi 196 u 204, il-Kummissjoni tosserva li l-infrastruttura, li hija s-suġġett ta’ din id-Deċiżjoni, jew se tiġi operata direttament fuq bażi kummerċjali mill-FLH, l-operatur tal-ajruport, jew indirettament se tappoġġja u tippermetti l-operat kummerċjali tal-ajruport fis-sħuħija tiegħu.

(206)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, skont il-liġi Ġermaniża, b’mod partikolari l-[…], it-tariffi jridu jiġu stabbiliti mill-operatur tal-ajruport u jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni tal-Ministeru Federali tat-Trasport. Il-Kummissjoni tinnota li t-tariffi tal-ajruport jiġu stabbiliti mill-operaturi tal-ajruport fil-limiti regolatorji biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni inġusta bejn l-utenti tal-ajruport u l-possibilità ta’ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa tal-operatur tal-ajruport. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dan ma jipprekludix lill-operaturi tal-ajruport milli jistabbilixxu l-livell tat-tariffi tal-ajruport filwaqt li jqisu l-investimenti meħtieġa u l-ispejjeż tiegħu. B’mod partikolari dan ġie kkonfermat mill-ħtiġijiet ta’ […] u […] tal-[…]

(207)

Il-Kummissjoni tkompli tinnota li l-bini u l-iżvilupp tal-infrastruttura soġġetta għal din id-Deċiżjoni, se jippermettu li l-FLH iżżid il-kapaċità tagħha u l-attività ekonomika tagħha bħala operatur tal-Ajruport ta’ Leipzig/Halle. L-FLH, l-operatur tal-ajruport, tipprovdi servizzi tal-ajruport bi ħlas, li jirriżulta, b’mod partikolari, minn tariffi tal-ajruport, iżda wkoll minn dħul ieħor relatat mal-isfruttament tal-infrastruttura u l-provvista ta’ servizzi anċillari, bħal pereżempju l-kiri ta’ ħangars, li għandu jitqies bħala ħlas għall-provvediment ta’ servizzi mogħtija.

(208)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-infrastruttura soġġetta għal din id-Deċiżjoni hija infrastruttura kummerċjalment sfruttabbli. Għalhekk l-FLH hija impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.1.2.   Attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika

(209)

Madanakollu, mhux l-attivitajiet kollha tal-ajruport huma neċessarjament ta’ natura ekonomika (41). Billi l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala impriża hija dejjem relatata ma’ attività speċifika, hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ ajruport partikolari u li jiġi stabbilit kemm dawk l-attivitajiet huma ta’ natura ekonomika. Jekk ajruport iwettaq kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet mhux ekonomiċi, huwa għandu jitqies bħala impriża biss fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel.

(210)

Il-Qorti sostniet li l-attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tiegħu bħala awtorità pubblika mhumiex ta’ natura ekonomika u ġeneralment ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat. (42) F’ajruport, attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-pulizija, id-dwana, it-tifi tan-nar u attivitajiet neċessarji għas-salvagwardja tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali u l-investimenti relatati mal-infrastruttura u t-tagħmir neċessarju biex jitwettqu dawn l-attivitajiet huma ġeneralment meqjusa bħala ta’ natura mhux ekonomika. (43)

(211)

Il-finanzjament pubbliku ta’ tali attivitajiet mhux ekonomiċi ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, iżda jrid ikun strettament limitat biex jikkumpensa għall-ispejjeż li dawn jikkawżaw u ma jistax jintuża biex jiffinanzja attivitajiet oħra (44). Kull kumpens żejjed possibbli mill-awtoritajiet pubbliċi tal-kostijiet imġarrba fir-rigward ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, jekk ajruport ikun, flimkien mal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu, involut f’attivitajiet mhux ekonomiċi, hija meħtieġa kontabbiltà separata tal-kostijiet sabiex jiġi evitat kwalunkwe trasferiment ta’ fondi pubbliċi bejn l-attivitajiet ekonomiċi u mhux ekonomiċi.

(212)

Finanzjament pubbliku ta’ attivitajiet mhux ekonomiċi ma jridx iwassal għal diskriminazzjoni bla bżonn bejn l-ajruporti. Fil-fatt, hija każistika stabbilita li hemm vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lil impriżi mill-kostijiet inerenti għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (45). Għaldaqstant, meta skont ċerta ordni ġuridika jkun normali li l-ajruporti jkollhom iġorru ċerti kostijiet inerenti għall-operat tagħhom, filwaqt li ajruporti ċivili ma jagħmlux dan, dawn tal-aħħar jistgħu jingħataw vantaġġ, kemm jekk dawn il-kostijiet ikunu relatati ma’ attività, li ġeneralment hi kkunsidrata ta’ natura mhux ekonomika, kif ukoll jekk le.

(213)

Għalhekk, fid-dawl tal-premessi 209 u 212, il-Kummissjoni għandha tanalizza n-natura tal-miżuri infrastrutturali soġġetti għal din id-Deċiżjoni li jsiru fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle.

(214)

Il-Ġermanja affermat li l-miżuri notifikati M1 sa M11 jittrattaw attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku u li l-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet huwa strettament limitat għal-limitu tal-ispejjeż meħtieġa għal dawn il-miżuri. Għalhekk, il-Ġermanja kienet tal-fehma li dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja affermat li l-miżuri M1 sa M11 jaqgħu f’waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(i)

miżuri li jissalvagwardjaw l-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali (46), li huma soġġetti għal-Luftsicherheitsgesetz (Liġi dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni, “LuftSiG”), b’mod partikulari t-Taqsima 8 tagħha;

(ii)

miżuri relatati ma’ sikurezza operazzjonali, soġġetti għat-Taqsima 45 Luftverkehrs-Zulassungs-Ordnung (Regolament dwar il-Liċenzjar tat-Traffiku tal-Ajru, “LuftVZO”); jew

(iii)

miżuri relatati mal-protezzjoni ta’ partijiet terzi kontra riskji operazzjonali tat-traffiku tal-ajru (bħal tniġġis akustiku).

(215)

Fir-rigward ta’ miżuri relatati mas-sikurezza operazzjonali, il-Kummissjoni tqis li l-iżgurar ta’ operazzjonijiet siguri fl-ajruport huwa parti normali mill-attività ekonomika tal-operat ta’ ajruport (47). F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li anke l-ispejjeż relatati ma’ rekwiżiti u standards regolatorji ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. Soġġetti għal reviżjoni aktar dettaljata fir-rigward tal-attivitajiet u l-ispejjeż individwali, il-Kummissjoni ssib li l-miżuri mfassla biex jiżguraw is-sigurtà tal-operazzjonijiet fl-ajruport ma jikkostitwixxux attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. Kull impriża li tkun tixtieq topera f’suq partikolari trid tiżgura s-sigurtà tal-installazzjonijiet (għall-ajruporti dawn huma pereżempju r-runways, it-taxiways u r-rampi tal-ajruport), u trid tiżgura wkoll konformità ma’ standards regolatorji.

(216)

Fir-rigward tar-runways, it-taxiways u r-rampi tal-ajruport, il-Kummissjoni tqis li dawn huma elementi essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi mmexxija minn operatur ta’ ajruport. Għalhekk, il-bini ta’ runways, taxiways u rampi tal-ajruport jippermetti lil operatur ta’ ajruport jeżerċita l-attività ekonomika ewlenija tiegħu.

(217)

Fir-rigward tal-miżuri skont it-Taqsima 8 tal-LuftSiG, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-servizzi meteoroloġiċi u t-taqsima tat-tifi tan-nar jistgħu, fil-prinċipju, jitqiesu li jikkostitwixxu attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

(218)

Fir-rigward tal-qafas ġuridiku applikabbli, il-Ġermanja sostniet li għat-taqsima tat-tifi tan-nar ma hemm l-ebda norma ġuridika li strettament timponi dawn l-ispejjeż fuq l-operatur ta’ ajruport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-remunerazzjoni tal-ispejjeż għal taqsima tat-tifi tan-nar taqa’ fil-kompetenza ġuridika tal-Länder u li ġeneralment dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-awtoritajiet reġjonali rilevanti. Ir-rimunerazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż hija limitata sal-punt meħtieġ biex jiġu koperti dawn l-ispejjeż.

(219)

Fir-rigward tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi meteoroloġiċi, il-Kummissjoni tinnota li t-Taqsima 27(d) u t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG jipprovdu li l-ispejjeż relatati mat-Taqsima 27(c) tal-LuftVG jiġu koperti mill-Istat għal għadd ta’ ajruporti speċifiċi. L-ajruporti huma eliġibbli għal kopertura tal-ispejjeż bħala “ajruporti rikonoxxuti” skont it-Taqsima 27(d) u t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG jekk il-Ministeru Federali tat-Trasport ikun irrikonoxxa ħtieġa minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u interessi relatati mal-politika tat-trasport (48). L-ajruporti Ġermaniżi li ma ġewx rikonoxxuti mhumiex eliġibbli għall-kopertura tal-ispejjeż skont it-Taqsima 27(d) u t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG u, għalhekk, fil-prinċipju, għandhom jassumu l-ispejjeż relatati mal-miżuri previsti fit-Taqsima 27(c) tal-LuftVG huma nfushom. Dawn l-ispejjeż huma inerenti għall-operat tal-ajruporti. Peress li xi ajruporti jridu jġarrbu dawn l-ispejjeż huma stess, filwaqt li ajruporti oħra le, dawn tal-aħħar jistgħu jingħataw vantaġġ, anki jekk il-miżuri ta’ kontroll u ta’ sikurezza tal-ajru kif ukoll is-servizzi meteoroloġiċi jistgħu jitqiesu li mhumiex ekonomiċi. L-ajruport ta’ Leipzig/Halle ġie rikonoxxut bħala ajruport tali u, għalhekk, huwa eliġibbli għall-kopertura tal-ispejjeż skont it-Taqsima 27(d) u t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG. L-ajruporti l-oħra jridu jassumu dawn l-ispejjeż huma stess. Għalhekk, il-kopertura tal-ispejjeż tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle relatati ma’ miżuri ta’ kontroll tal-ajru u ta’ sikurezza kif ukoll għal servizzi meteoroloġiċi skont it-Taqsima 27(d) u t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG tagħti vantaġġ lill-ajruport ta’ Leipzig/Halle.

(220)

Fir-rigward tal-miżuri skont it-Taqsima 8 tal-LuftSiG, jidher li l-Ġermanja tqis li l-ispejjeż kollha relatati mal-miżuri preskritti fih jistgħu jitħallsu mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG jistgħu jiġu rimborżati biss l-ispejjeż relatati mal-forniment u l-manutenzjoni ta’ spazji u ta’ postijiet meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet skont it-Taqsim 5 tal-LuftSiG. L-ispejjeż l-oħra kollha jridu jitħallsu mill-operatur tal-ajruport. Għalhekk, peress li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-FHL ħeles lil din l-impriża minn spejjeż li kellha ssostni skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG, dak il-finanzjament pubbliku mhuwiex eżentat minn skrutinju skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Xorta waħda, irrispettivament mill-klassifikazzjoni legali ta’ dawk l-ispejjeż bħala li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku jew le, intwera li, taħt il-qafas ġuridiku applikabbli, dawn għandhom jitħallsu mill-operatur tal-ajruport. Għaldaqstant, fejn l-Istat għandu jħallas dawk l-ispejjeż, l-operatur tal-ajruport ikun inħeles minn spiża li normalment kien ikollu jġarrab.

(221)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 215 u 220, il-Kummissjoni tqis li huwa xieraq li toħroġ konklużjonijiet aktar speċifiċi dwar l-ispejjeż ta’ investiment li allegatament jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku.

M1 Akkwist ta’ art, rilokazzjoni, tnaqqis tal-istorbju u ppjanar tal-konservazzjoni tal-pajsaġġ li jakkumpanja, M2 Struttura għall-ittestjar tal-magni u M10 tnaqqis addizzjonali tal-istorbju

(222)

Il-Ġermanja sostniet li l-miżuri M1, M2 u M10 jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku, minħabba li huma mmirati biex jipproteġu lil partijiet terzi kontra riskji operazzjonali tat-trasport bl-ajru, bħall-protezzjoni tas-sidien tad-djar u tal-ambjent mill-effetti ta’ tniġġis akustiku.

(223)

Il-Kummissjoni tqis li l-ispejjeż relatati mal-miżuri M1, M2 u M10 jikkostitwixxu spejjeż normali li impriża jkollha ġġarrab sabiex tibni installazzjonijiet li jkunu konformi ma’ ċerti standards regolatorji. Barra minn hekk, dawn il-miżuri ma jistgħux jiġu diżassoċjati mill-attività ekonomika tal-ajruport. Eżempju ta’ dan huwa partikularment muri mill-fatt li mingħajr dawn il-miżuri l-ajruport ma jitħalliex jopera titjiriet bil-lejl u ma jitħalliex jikkonċentra fuq in-negozju tal-merkanzija bl-ajru b’rabta mad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-bini tar-runway tan-Nofsinhar fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle u l-istrateġija ta’ espansjoni tiegħu.

(224)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri M1, M2 u M10 ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

M3 (It-taxiway u l-pont li jaqsam “E7”), M4 (Estensjoni tar-runway tat-Tramuntana (spejjeż tal-ippjanar), M5 (Ikklerjar tas-sit bi tħejjija għall-bini tat-taxiway “Victor”), M6 (Taxiway parallela “Victor”), M12 Proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-estensjoni tan-Nofsinhar (ir-runway u r-rampa tal-ajruport), M13 (Espansjoni tar-rampa tat-Tramuntana), M14 (Espansjoni tar-rampa tal-Lvant), M15 (Adattament tal-infrastruttura), u M16 (Miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura, bħall-estensjoni tal-ħangar tat-Tramuntana u l-bini tat-terminal ġdid tal-avjazzjoni u tal-ħangar għall-ajruplani żgħar)

(225)

F’dan il-każ l-estensjoni tar-runway ġiet ippjanata sabiex jiġi żgurat li l-inġenji tal-ajru tal-merkanzija b’MTOW għoli jistgħu jitilqu mingħajr ebda restrizzjoni fuq it-tagħbija, filwaqt li l-estensjoni tar-rampa għandha tipprovdi distribuzzjoni aħjar tal-movimenti tat-titjiriet. Barra minn hekk, fir-rigward tat-taxiways, il-Kummissjoni tinnota li f’ajruport, it-taxiways jgħaqqdu lir-runways mar-rampi, mal-ħangars, mat-terminals u ma’ faċilitajiet oħra. Dawn il-konnessjonijiet jippermettu lill-ajruplan li jitlaq minn fuq ir-runway, u jippermetti lil ajruplan ieħor jillandja jew jitlaq. Għalhekk, it-taxiways u l-pontijiet li jaqsmu huma intrinsikament marbuta mar-runways li għalihom l-operatur tal-ajruport jirċievi tariffi. Barra minn hekk, l-information pprovduta mill-Ġermanja tikkonferma li, fid-dawl tal-volum u tal-flussi tat-traffiku, dawn il-miżuri huma essenzjali. Kieku ma sarux il-binijiet, l-ajruport ma kienx jibbenefika miż-żieda mistennija fil-flussi tat-traffiku jew il-volum attwali tal-flussi tat-traffiku kien ikollu jitnaqqas sabiex jiġi żgurat l-operat sigur tal-inġenji tal-ajru. Il-Kummissjoni tqis li dan ma jikkontradixxix il-fatt li ċertu numru ta’ taxiways u pontijiet li jaqsmu jistgħu jintużaw biss b’mod sigur għal volum limitat ta’ traffiku.

(226)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li r-runways, it-taxiways u r-rampi tal-ajruport huma elementi essenzjali għall-attivitajiet ekonomiċi li fihom ikun involut operatur ta’ ajruport. Għalhekk il-bini ta’ runways, taxiways u rampi tal-ajruport jippermetti lill-operatur ta’ ajruport jeżerċita l-attività ekonomika ewlenija tiegħu u ma jistax jiġi diżassoċjat minn din l-attività ekonomika.

(227)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżuri M3, M4, M5, M6, M12, M 13, M14, M15 u M16 jittieħdu fuq bażi kummerċjali mill-operatur tal-ajruport. Għalhekk huma infrastrutturi li jistgħu jiġu sfruttati b’mod kummerċjali, u ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

M11 Fażi 1 tal-iżvilupp tal-land side taż-żona tax-Xlokk

(228)

Il-Kummissjoni tosserva li l-miżura M 11 tinvolvi t-tagħmir ta’ bini eżistenti bi provvista tal-elettriku u tal-ilma, b’impjanti tal-ilma mormi u l-iskular tal-ilma tax-xita, kif ukoll miżuri għat-tnaqqis addizzjonali tal-istorbju.

(229)

Fid-dawl tal-valutazzjoni li saret fil-premessi 215 u 220, dawn il-miżuri ma jittrattawx attivitajiet li normalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fl-eżerċizzju tas-setgħat uffiċjali tiegħu bħala awtorità pubblika. Pjuttost jikkontribwixxu għat-titjib tal-infrastruttura li tintuża għal skopijiet kummerċjali u, għalhekk, jinvolvu attività ekonomika u, għalhekk, ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku.

M5 (stazzjon ġdid għat-tifi tan-nar) u M9 (tagħmir għat-tifi tan-nar)

(230)

Fir-rigward tal-istazzjon għat-tifi tan-nar u t-tagħmir għat-tifi tan-nar, kif iddikjarat fil-premessa (218), din l-attività tista’ ġeneralment titqies li taqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika.

(231)

Rigward il-qafas ġuridiku, il-Ġermanja sostniet li fir-rigward tal-istazzjon għat-tifi tan-nar u t-tagħmir għat-tifi tan-nar ma hemm l-ebda norma ġuridika li strettament timponi dawn l-ispejjeż fuq l-operatur tal-ajruport. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li r-rimunerazzjoni tal-ispejjeż għall-istazzjon ġdid għat-tifi tan-nar u għat-tagħmir għat-tifi tan-nar taqa’ fil-kompetenza ġuridika tal-Länder u li ġeneralment dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-awtoritajiet reġjonali rilevanti, kif sostniet il-Ġermanja. Ir-rimunerazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż hija limitata sal-punt meħtieġ biex jiġu koperti dawn l-ispejjeż.

(232)

Għalhekk, l-ispejjeż ta’ bini li għandhom x’jaqsmu mal-istazzjon ġdid għat-tifi tan-nar u l-ispejjeż għax-xiri ta’ tagħmir għat-tifi tan-nar jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku.

M5 (ħangar b’għanijiet multipli) u M9.3 (tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa)

(233)

Fir-rigward tal-ħangar b’għanijiet multipli, il-Ġermanja affermat li dan jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika, għaliex f’każ ta’ emerġenza jintuża bħala kenn ta’ emerġenza. Skont il-Ġermanja, l-ispejjeż għall-bini ta’ dan il-ħangar jaqa’ wkoll taħt il-mandat tal-ordni pubblika, minħabba li bħalissa jintuża għall-ħżin ta’ tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa meħtieġa għall-operat sigur tal-ajruport matul ix-xitwa.

(234)

Fir-rigward tal-bini tal-ħangar b’għanijiet multipli fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle, il-Kummissjoni tosserva li dan il-bini jista’ jintuża għal skopijiet differenti. Barra minn hekk, kif diġà ntqal fil-premessa 215, l-ispejjeż tat-tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa (M9.3) meħtieġa għall-operat sigur tal-ajruport huma spejjeż normali tat-tmexxija ta’ negozju u ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubbliku. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li anke l-ispejjeż tal-bini tal-ħangar b’għanijiet multipli ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat politiku.

(235)

Madankollu, din is-sejba ma tipprekludix lill-Ġermanja milli f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza tafda lill-ajruport b’kompiti speċifiċi li jaqgħu taħt is-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali.

M7 Żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ

(236)

Il-Ġermanja targumenta li ż-żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ huma meħtieġa għall-operazzjoni sigura u f’waqtha tal-inġenji tal-ajru fl-ajruport. Skont il-Ġermanja, l-estensjoni taż-żoni eżistenti għat-tneħħija tas-silġ hija neċessarja minħabba t-traffiku dejjem jiżdied fl-ajruport sabiex jiġi evitat dewmien tat-titjiriet skedati. Barra minn hekk, il-Ġermanja tisħaq li d-dħul mis-servizzi tat-tneħħija tas-silġ ipprovduti mill-ajruport ma jkoprux l-ispejjeż tat-twaqqif tal-infrastruttura.

(237)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li l-fatt jekk attività tħallix qligħ jew le mhuwiex deċiżiv għall-kunċett ta’ attività ekonomika (49). It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li s-servizzi tat-tneħħija tas-silġ jingħataw bi ħlas lil-linji tal-ajru. Huma servizzi essenzjali li kull ajruport jipprovdi bħala parti mill-attività ekonomika tiegħu. Aktar ma jingħataw servizzi bħal dawk aktar titjiriet ikunu jistgħu jitilqu mill-ajruport, u b’hekk l-ajruport ikun jista’ jżid id-dħul tiegħu.

(238)

Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni tqis li s-servizzi tat-tneħħija tas-silġ huma intrinsikament marbuta mal-isfruttament ekonomiku ta’ ajruport, u ma jistgħux jiġu diżassoċjati minn din l-attività, u b’hekk iridu jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi.

M8 Ħeliport

(239)

Il-miżura tkopri t-twaqqif ta’ spazju għall-parkeġġ tal-ħelikopters li se jintuża biss bħala bażi għas-servizzi ta’ salvataġġ bl-ajru.

(240)

Il-Kummissjoni tqis li l-ħolqien ta’ ħeliport jiffaċilita s-salvataġġ bl-ajru. Għalhekk, il-forniment ta’ ħeliport għal servizzi ta’ salvataġġ jista’ jitqies li jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubbliku. Il-kumpens irid ikun strettament marbut mal-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi.

M9 Miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura

(241)

Il-miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura jinkludu l-bini mill-ġdid tal-punt ta’ kontroll I, il-kostruzzjoni ta’ bini funzjonali tas-sigurtà biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-pulizija federali u reġjonali, id-dwana, farm għall-annimali u ċ-ċint tal-perimetru tal-ajruport (li jinkludi sistema diġitali ta’ sorveljanza bil-vidjo u b’ditekters tal-moviment). Skont il-Ġermanja dawn il-miżuri huma neċessarji għas-salvagwardja tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Taqsima 8 tal-LuftSiG.

(242)

Rigward il-miżuri skont it-Taqsima 8 tal-LuftSiG, jidher li l-Ġermanja tqis li l-ispejjeż kollha relatati mal-miżuri preskritti fih jistgħu jiġġarrbu mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG jistgħu jiġu rimborżati biss l-ispejjeż relatati mal-forniment u l-manutenzjoni ta’ spazji u ta’ postijiet meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet skont it-Taqsima 5 tal-LuftSiG. L-ispejjeż l-oħra kollha għandhom jiġġarrbu mill-operatur tal-ajruport. Għalhekk, sal-punt li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-FLH jeħles lil din l-impriża minn spejjeż li kellha ssostni skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG, dak il-finanzjament pubbliku mhuwiex eżentat mill-iskrutinju skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(243)

Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-użu tal-bini tas-sigurtà funzjonali mis-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż, il-Kummissjoni tinnota li t-Taqsima 27(f) tal-LuftVG tirregola li l-ispejjeż relatati mat-Taqsima 27(c) tal-LuftVG jiġu koperti mill-Istat għal għadd ta’ ajruporti speċifiċi. L-ajruporti jkunu eliġibbli għall-kopertura tal-ispejjeż bħala “ajruporti rikonoxxuti“ skont it-Taqsima 27(f) tal-LuftVG jekk il-Ministeru Federali tat-Trasport ikun irrikonoxxa neċessità minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u interessi relatati mal-politika tat-trasport. L-ajruporti Ġermaniżi li ma jkunux ġew rikonoxxuti mhumiex eliġibbli għall-kopertura tal-ispejjeż skont it-Taqsima 27(f) tal-LuftVG u għalhekk, fil-prinċipju, għandhom iġarrbu huma stess l-ispejjeż relatati mal-miżuri previsti fit-Taqsima 27(c) tal-LuftVG. Dawn l-ispejjeż huma inerenti għall-operat tal-ajruporti. Peress li xi ajruporti jridu jġarrbu dawn l-ispejjeż huma stess filwaqt li ajruporti oħra le, dawn tal-aħħar jistgħu jkunu ngħataw vantaġġ, anki jekk is-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż jista’ jiġi meqjus bħala mhux ekonomiku. L-ajruport ta’ Leipzig/Halle ġie rikonoxxut bħala tali ajruport u b’hekk huwa eliġibbli għall-kopertura tal-ispejjeż skont it-Taqsima 27(f) tal-LuftVG. L-ajruporti l-oħra għandhom iġarrbu dawn l-ispejjeż huma stess. Għalhekk, il-kopertura tal-ispejjeż tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle relatati mas-servizzi meteoroloġiċi skont it-Taqsima 27(f) tal-LuftVG tagħti vantaġġ lill-ajruport ta’ Leipzig/Halle.

6.1.3.   Konklużjoni

(244)

Fid-dawl tas-sejbiet fit-Taqsima 6.1.1, l-FLH hija impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(245)

Fir-rigward tal-konklużjoni fit-Taqsima 6.1.2, il-finanzjament tal-miżuri li ġejjin ma jistax jitqies li jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubblika: M1 akkwist ta’ art, rilokazzjoni, tnaqqis tal-istorbju u ppjanar li jakkumpanja l-konservazzjoni tal-pajsaġġ, M2 struttura għall-ittestjar tal-magni, M3 it-taxiway u l-pont li jaqsam “E7”, M4 estensjoni tar-runway tat-tramuntana (spejjeż tal-ippjanar), M5 ikklerjar tas-sit bi tħejjija għall-bini tat-taxiway “Victor”, M5 ħangar b’għanijiet multipli, M6 taxiway parallela “Victor”, M7 żoni addizzjonali għat-tneħħija tas-silġ, M9.3 tagħmir għal servizzi li jingħataw fix-xitwa, M10 tnaqqis addizzjonali tal-istorbju, M11 Fażi 1 tal-iżvilupp tal-land side taż-żona tax-Xlokk, M12 proċedura ta’ approvazzjoni tal-pjan għall-estensjoni tan-Nofsinhar (ir-runway u r-rampa tal-ajruport), M13 espansjoni tar-rampa tat-Tramuntana, M14 espansjoni tar-rampa tal-Lvant, M15 adattament tal-infrastruttura, u M16 miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura, bħall-estensjoni tal-ħangar tat-Tramuntana u l-bini ta’ terminal ġdid tal-avjazzjoni u ta’ ħangar għall-ajruplani żgħar. Il-finanzjament ta’ dawn l-attivitajiet jippermetti lil operatur tal-ajruport li jeżerċita l-attività ekonomika ewlenija tiegħu u ma jistax jiġi diżassoċjat minn din l-attività.

(246)

Fir-rigward ta’ M5 stazzjon ġdid għat-tifi tan-nar, M9 tagħmir għat-tifi tan-nar u M8 ħeliport, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika (ara t-Taqsima 6.1.2).

(247)

Fir-rigward ta’ M9 miżuri addizzjonali ta’ infrastruttura, bħall-bini mill-ġdid tal-punt ta’ kontroll I, il-kostruzzjoni ta’ bini funzjonali tas-sigurtà biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-pulizija federali u reġjonali, id-dwana, farm għall-annimali u ċ-ċint tal-perimetru tal-ajruport (li jinkludi sistema diġitali ta’ sorveljanza bil-vidjo u b’detetturi tal-moviment), il-Kummissjoni tqis li dawn l-attivitajiet jistgħu jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika. Madankollu, sakemm dawn il-miżuri jaqgħu taħt it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG, skont din id-dispożizzjoni tal-liġi Ġermaniża jistgħu jiġu rimborżati biss l-ispejjeż relatati mal-forniment u l-manutenzjoni ta’ spazji u postijiet meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet skont it-Taqsima 5 tal-LuftSiG. L-ispejjeż l-oħra kollha għandhom jiġġarrbu mill-operatur tal-ajruport. Għalhekk, diment li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-FLH b’hekk jeħles lil din l-impriża minn spejjeż li kellha ġġarrab skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG, dak il-finanzjament pubbliku mhuwiex eżentat mill-iskrutinju taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(248)

Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-użu tal-bini tas-sigurtà funzjonali mis-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż (relatati ma’ M9), għar-raġunijiet fil-premessa 243 l-Kummissjoni tqis li l-kopertura tal-ispejjeż tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle relatati mas-servizzi meteoroloġiċi skont it-Taqsima 27(f) tal-LuftVG tagħti tagħti vantaġġ lill-ajruport ta’ Leipzig/Halle, anki jekk is-Servizz Meteoroloġiku Ġermaniż jista’ jitqies bħala mhux ekonomiku.

6.2.   IN-NATURA TAL-GĦAJNUNA TAS-SELF MILL-AZZJONISTI FAVUR L-FLH

6.2.1.   Ir-Relazzjoni Bejn Is-Self Mill-Azzjonisti U L-Injezzjonijiet Ta’ Kapital

(249)

Qabel ma jiġi vvalutat jekk is-self min-naħa tal-azzjonisti favur l-FLH jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, hemm bżonn li jiġi stabbilit jekk is-self mill-azzjonisti u l-injezzjonijiet ta’ kapital għandhomx jitqiesu bħala miżuri separati jew bħala miżura waħda.

(250)

L-evidenza turi li ż-żewġ operazzjonijiet kienu ġew deċiżi fl-istess żmien, bħala parti minn pjan usa’ biex jiġi ffinanzjat it-titjib tal-infrastruttura tal-ajruport, u li l-azzjonisti tal-FLH kellhom l-intenzjoni li jikkonvertu s-self tagħhom f’ekwità. Madankollu, il-Ġermanja ddikjarat li l-injezzjonijiet ta’ kapital ma ngħatawx b’mod irrevokabbli u li l-FLH ma għandha l-ebda intitolament dirett għaż-żieda fil-kapital.

(251)

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li s-self mill-azzjonisti u l-injezzjonijiet ta’ kapital jistgħu jitqiesu bħala miżuri separati.

6.2.2.   Vantaġġ ekonomiku

(252)

Sabiex jiġi verifikat jekk impriża bbenefikatx minn vantaġġ ekonomiku li rriżulta mill-għoti ta’ self b’termini privileġġjati, il-Kummissjoni tapplika l-kriterju tal-“prinċipju ta’ mutwanti tal-ekonomija tas-suq”. Skont dak il-prinċipju, obbligazzjonijiet li jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ kumpanija mill-Istat, direttament jew indirettament, f’ċirkostanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat (50).

(253)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti (ara t-Tabella 3) mogħti lill-FLH jagħtuhiex vantaġġ ekonomiku, li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

(254)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-“prinċipju ta’ mutwanti tal-ekonomija tas-suq“ kien ġie rispettat bis-sħiħ peress li s-self mill-azzjonisti kien ingħata bil-kundizzjonijiet tas-suq. Sabiex tiġġustifika l-kundizzjonijiet tas-self inkwistjoni, il-Ġermanja tqabbel il-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti mal-kundizzjonijiet ipprovduti minn banek oħra (ara l-argumenti mogħtija fit-Taqsimiet 3.3.1 u 3.3.2).

(255)

Skont il-prattika ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha, sabiex tiddetermina jekk il-finanzjament ivvalutat kienx ingħata f’kundizzjonijiet favorevoli, il-Kummissjoni tista’ – fin-nuqqas ta’ indikaturi oħra – tqabbel ir-rata tal-imgħax fuq is-self inkwistjoni mar-rata referenzjali tal-Kummissjoni. Ir-rata referenzjali tal-Kummissjoni tiġi stabbilita skont il-metodoloġija stabbilita fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008.

(256)

Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008 tistabbilixxi metodu biex jiġu stabbiliti rati ta’ referenza u ta’ skont li jiġu applikati bħala indikatur għar-rata tas-suq. Madankollu, minħabba li r-rata referenzjali tal-Kummissjoni hija indikatur, fejn f’każ speċifiku l-Kummissjoni jkollha indikaturi oħra tar-rata tal-imgħax li l-mutwatarju jista’ jikseb fuq is-suq, tista’ tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq dawk l-indikaturi.

Il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-FLH

(257)

Sabiex tkun tista’ tivvaluta l-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tivvaluta l-affidabbiltà tal-kreditu tal-FLH.

(258)

L-FLH ma tiġix ikklassifikata minn aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu l-Ġermanja targumenta li minħabba l-ftehimiet tat-trasferiment tal-qligħ u tat-telf li ġew konklużi bejn l-FLH u l-MFAG, għandha titqies il-klassifikazzjoni tal-kumpaniji prinċipali.

(259)

Il-Kummissjoni tosserva li, skont il-liġi Ġermaniża, matul iż-żmien li fih kien jeżisti l-ftehim tat-trasferiment tal-qligħ u tat-telf, l-MFAG tibqa’ responsabbli għal kull self ikkuntrattat mill-FLH, anke jekk il-ftehim jiġi sussegwentement revokat.

(260)

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-klassifikazzjoni tal-FLH għandha tal-anqas tkun il-klassifikazzjoni tal-kumpanija prinċipali tagħha, l-MFAG.

(261)

Barra minn hekk l-MFAG ma ġietx ikklassifikata minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Madankollu l-Ġermanja pprovdiet xi klassifikazzjonijiet interni tal-banek għall-MFAG, kif jidher fil-qosor fit-Tabella 4.

(262)

Fid-dawl tal-premessi 257 sa 261, il-Kummissjoni tqis li l-FLH għandha tal-anqas l-inqas klassifikazzjoni tal-MFAG, jiġifieri ta’ […] fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni ta’ Standard & Poor fl-2006 u ta’ […] fuq l-iskala ta’ klassifikazzjoni ta’ Standard & Poor mill-2007 sal-2012.

It-telf fil-każ ta’ inadempjenza (jew il-livell ta’ kollateralizzazzjoni):

(263)

Jekk is-self mill-azzjonisti inkwistjoni jista’ jitqies bħala kollateralizzat ħafna, f’każijiet bħal dawn il-prattika tas-suq tissuġġerixxi li l-klassifikazzjoni tal-istrument ta’ dejn (il-“klassifikazzjoni tal-ħruġ”) inkwistjoni tiżdied b’talja waħda meta mqabbla mal-klassifikazzjoni tal-emittent. (51) Għalhekk, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi t-telf fil-każ ta’ inadempjenza (52) (“LGD”) tas-self mill-azzjonisti inkwistjoni.

(264)

Peress li s-self kien intenzjonat li jkun biss faċilità ta’ finanzjament tranżitorju fuq terminu qasir, ma kienx ġie kollateralizzat. Madanakollu, il-Ġermanja argumentat li l-LGD għandu tal-anqas inkun inqas minn 30 %, minħabba li l-valur tal-assi tal-FLH (EUR […] miljun fl-2010), li mhumiex mirhuna, jaqbeż il-valur tal-obbligazzjonijiet (EUR […] miljun fl-2010).

(265)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-valur kontabilistiku tal-assi mhuwiex biżżejjed biex issir stima tal-valur tal-likwidazzjoni fil-każ ta’ insolvenza jew falliment tal-ajruport. Fid-dokument ippubblikat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja f’Ġunju 2006 ġie rakkomandat li l-LGD għal pretensjonijiet superjuri fuq korporattivi li ma jkunux garantiti minn kollateral rikonoxxut għandu jitqies li huwa madwar 45 % (53). Għalhekk skont il-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008 is-self mill-azzjonisti inkwistjoni għandu livell “normali” ta’ kollateralizzazzjoni b’LGD fil-kategorija tan-nofs (30 % < LGD < 60 %).

(266)

Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-livell ta’ kollateralizzazzjoni mhuwiex biżżejjed biex jippermetti li l-klassifikazzjoni tal-impriża tiżdied b’livell wieħed.

Valutazzjoni komparattiva tal-kundizzjonijiet tas-self mill-azzjonisti tal-FLH b’indikaturi tas-suq abbażi ta’ firxa ta’ swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu (CDS):

(267)

Sabiex tivvaluta jekk is-self mill-azzjonisti tal-FLH kienx konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komparattiva b’indikaturi tas-suq ibbażata fuq firxa ta’ swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu (CDS).

(268)

F’konformità mal-metodoloġija li fuqha hija bbażata l-Komunikazzjoni dwar ir-Rata Referenzjali tal-2008, il-Kummissjoni hija tal-fehma li rati tal-imgħax tas-self jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq meta s-self jiġi pprezzat b’rata daqs jew ogħla minn rata normattiva definita mill-formula li ġejja:

Rata normattiva = rata bażi + marġni ta’ riskju + tariffa

(269)

Ir-rata bażi tirrappreżenta l-ispejjeż għall-banek talli jipprovdu likwidità (spiża ta’ finanzjament). Fil-każ ta’ finanzjament b’rata fissa (jiġifieri meta r-rata tal-imgħax tiġi ffissata għal kemm idum is-self), xieraq li r-rata bażi tiġi determinata abbażi tar-rati ta’ swap (54) b’maturità u valuta li jikkorrispondu mal-maturità u l-valuta tad-dejn. Il-marġni ta’ riskju jikkumpensa lill-mutwanti għar-riskji marbuta mal-finanzjament speċifiku tad-dejn, b’mod partikolari r-riskju ta’ kreditu. Il-marġni ta’ riskju jista’ jinkiseb minn kampjun xieraq ta’ firxiet ta’ CDS (55) relatata ma’ entitajiet ta’ referenza (bħal bonds tal-kumpanija) bi klassifikazzjoni simili għas-self għall-FLH. Fl-aħħar nett, jidher xieraq li jiżdiedu 10-20 punt bażi bħala approssimazzjoni għat-tariffi bankarji li ġeneralment il-kumpaniji jkollhom iħallsu (56).

(270)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri ta’ finanzjament ivvalutati ma jirrapreżentawx self tipiku. Għall-fini tal-valutazzjoni attwali qed jiġi preżunt li s-self qed jingħata bħala faċilità ċirkolanti ta’ kreditu, li tiġġedded kull sena b’kundizzjonijiet ġodda ta’ rati tal-imgħax. Konsegwentement, il-maturità tiġi preżunta li hija ta’ sena.

(271)

Is-self jingħata b’rata bażi varjabbli bil-EURIBOR ta’ sena bħala rata referenzjali. Il-valutazzjoni tal-marġni ta’ riskju tista’ ssir abbażi ta’ kampjun ta’ firxa ta’ CDS għal kull żmien rilevanti. It-Tabella 7 tagħti sommarju tal-għadd ta’ osservazzjonijiet (kumpaniji bi klassifikazzjoni tal-FLH mill-industriji kollha, minbarra l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-gvern) u l-firxiet korrispondenti ta’ CDS.

Tabella 7

Ħarsa ġenerali lejn l-osservazzjonijiet ta’ kumpaniji bi klassifikazzjoni tal-FLH

Data

Klassifikazzjoni

Għadd ta’ osservazzjonijiet

L-ewwel kwart (punti bażi)

It-tieni kwart (punti bażi)

It-tielet kwart (punti bażi)

13.12.2006

(…)

34

4

5

7

1.1.2008

(…)

4

10

12

22

1.1.2009

(…)

15

73

107

141

1.1.2010

(…)

16

16

19

24

1.1.2011

(…)

18

12

17

21

1.1.2012

(…)

21

15

20

39

(272)

Il-marġni ta’ riskju tar-rata normattiva jiġi stabbilit abbażi ta’ firxiet medji peżati ta’ CDS tat-tieni Kwart (ara t-Tabella 7).

(273)

It-Tabella 8 tqabbel ir-rata tal-imgħax attwali li tintalab għas-self mill-azzjonisti vvalutat u r-rata normattiva.

Tabella 8

Ħarsa ġenerali komparattiva lejn ir-rata attwali tal-FLH u r-rata normattiva

Data

Rata tal-imgħax attwali (%)

Rata normattiva (%)

Rata bażi

Marġni ta’ riskju

Tariffa

Somma

Rata bażi

Marġni ta’ riskju

Tariffa

Somma

13.12.2006

3,90

(…)

0

(…)

3,90

(…)

(…)

(…)

1.1.2008

4,73

(…)

0

(…)

4,73

(…)

(…)

(…)

1.1.2009

3,03

(…)

0

(…)

3,03

(…)

(…)

(…)

1.1.2010

1,25

(…)

0

(…)

1,25

(…)

(…)

(…)

1.1.2011

1,50

(…)

0

(…)

1,50

(…)

(…)

(…)

1.1.2012

1,94

(…)

0

(…)

1,94

(…)

(…)

(…)

(274)

Skont il-prattika tas-suq ir-rata normattiva stabbilita abbażi tal-firxiet ta’ CDS trid tqis tariffa bankarja ta’ madwar […] punti bażi. (57) Sabiex wieħed jasal għal stima konservattiva, fil-każ inkwistjoni qed tiżdied tariffa bankarja ta’ […] punti bażi.

(275)

Il-Kummissjoni tqis li r-riżultati fit-Tabella 8 jagħtu indikazzjoni li fil-fatt is-self kien konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li fis-snin kollha – ħlief fl-2009 – ir-rata attwali tal-FLH kienet ogħla mir-rata normattiva. Madankollu, ir-rata attwali tal-imgħax inqas fl-2009 ġiet ikkumpensata mir-rati ogħla bejn l-2010 u l-2012 fuq volumi akbar ta’ self mill-azzjonisti.

(276)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li dawn ir-riżultati ġew ikkonfermati wkoll mill-valutazzjoni komparattiva għas-self elenkata mill-Ġermanja fit-Taqsimiet 3.3.1 u 3.3.2.

6.2.3.   Konklużjoni

(277)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fit-Taqsima 6.2.1 u 6.2.2, il-Kummissjoni tqis li s-self mill-azzjonisti tal-FLH kien ingħata bit-termini tas-suq, u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.3.   IN-NATURA TAL-GĦAJNUNA TAL-INJEZZJONIJIET TA’ KAPITAL FAVUR L-FLH

6.3.1.   Riżorsi tal-Istat u imputabilità lill-Istat

(278)

Sabiex jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-miżuri inkwistjoni jridu jkunu ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat u d-deċiżjoni biex tingħata l-miżura għandha tkun imputabbli lill-Istat.

(279)

Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat japplika għal kull vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn xi korp intermedjarju li jaġixxi permezz ta’ setgħat mogħtija lilu (58). Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, ir-riżorsi ta’ awtoritajiet lokali huma riżorsi tal-Istat (59).

(280)

Il-Qorti ddeċidiet ukoll li jekk miżura tingħata direttament mill-Istat jew minn korpi pubbliċi jew privati stabbiliti jew maħtura minnu sabiex jamministraw il-miżura huwa irrelevanti biex tiġi meqjusa għajnuna mill-Istat (60).

(281)

F’dan il-każ, il-miżuri rilevanti, jiġifieri l-injezzjonijiet ta’ kapital favur l-FLH, f’parti minnhom se jingħataw direttament mill-baġit tal-awtoritajiet lokali (il-Land Sachsen-Anhalt, Freistaat Sachsen u l-bliet u l-muniċipalitajiet rilevanti) u f’parti minnhom permezz tal-finanzjament mogħti mill-baġit tal-awtoritajiet lokali, li se jgħaddi permezz tal-MFAG, bħala korp intermedjarju, fl-FLH. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-fondi mgħoddija permezz tal-MFAG kienu ġew allokati mill-awtoritajiet lokali biex jiġu trasferiti lill-FLH.

(282)

Għalhekk, f’kull ħin l-Istat eżerċita kontroll dirett jew indirett fuq ir-riżorsi inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri rilevanti ġew iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Id-deċiżjoni biex jingħataw dawn ir-riżorsi tal-Istat hija imputabbli wkoll lill-awtoritajiet pubbliċi, peress li l-azzjonista pubbliku tal-FLH qabel li jipprovdi injezzjonijiet ta’ kapital.

6.3.2.   Vantaġġ ekonomiku

(283)

Vantaġġ skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huwa kull benefiċċju ekonomiku li impriża ma kinitx tikseb fil-kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (61). L-effett tal-miżura fuq l-impriża biss huwa rilevanti, la l-kawża u lanqas l-objettiv tal-intervent tal-Istat (62). Kull meta s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ impriża titjieb bħala riżultat ta’ intervent mill-Istat, ikun hemm vantaġġ.

(284)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li “kapital li jitpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ kumpanija mill-Istat, direttament jew indirettament, f’ċirkostanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq, m’għandux jitqies bħala għajnuna mill-Istat” (63). F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle jagħtix lill-FLH vantaġġ li ma kintix tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni għandha tqabbel l-imġiba tal-awtoritajiet pubbliċi li qed jipprovdu l-għotjiet diretti ta’ investiment u l-injezzjonijiet ta’ kapital ma’ dik ta’ MEO ggwidat minn prospetti ta’ profittabilità fit-tul (64).

(285)

Il-valutazzjoni ma għandhiex tqis ir-riperkussjonijiet pożittivi fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn hemm l-ajruport, peress li l-Qorti ċċarat li l-mistoqsija rilevanti għall-applikazzjoni tat-test ta’ MEO hija jekk “f’ċirkostanzi simili azzjonist privat, wara li jkun ikkunsidra il-prevedibbiltà li jagħmel profitt u wara li jinsa kull kunsiderazzjoni marbuta mal-politika reġjonali, soċjali u settorjali, kienx jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni” (65).

(286)

Fis-sentenza ta’ Stardust Marine, il-Qorti qalet li “[…] sabiex ikun eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta’ investitur prudenti li jopera f’ekonomija tas-suq, hemm bżonn li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu twettqu l-miżuri ta’ appoġġ finanzjarju sabiex tkun evalwata r-razzjonalità ekonomika tal-kondotta tal-Istat, u għalhekk m’għandha ssir ebda valutazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti” (66).

(287)

Barra minn hekk, fil-kawża EDF, il-Qorti ddikjarat li “[…] biex jintwera li, qabel jew waqt l-għoti tal-vantaġġ, l-Istat Membru ħa dik id-deċiżjoni bħala azzjonist, mhuwiex biżżejjed li wieħed jistrieħ fuq valutazzjonijiet ekonomiċi li jkunu saru wara l-għoti tal-vantaġġ, fuq konstatazzjoni retrospettiva li l-investiment li jkun sar mill-Istat Membru kkonċernat kienx fil-fatt profitabbli, jew fuq ġustifikazzjonijiet ulterjuri waqt l-azzjoni effettivament magħżula” (67).

(288)

Sabiex tkun tista’ tapplika t-test tal-MEO, il-Kummissjoni għandha tpoġġi lilha nnifisha fiż-żmien meta kienet ittieħdet kull deċiżjoni biex jingħataw fondi pubbliċi lill-FLH. Il-Kummissjoni trid tibbaża wkoll il-valutazzjoni tagħha fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet, li kienu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali rilevanti fiż-żmien, meta kienet ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-injezzjonijiet ta’ kapital inkwistjoni.

(289)

Il-Ġermanja saħqet ukoll li l-infrastruttura hija meħtieġa għall-ħolqien tal-impjiegi (5 106 impjieg jiddependu direttament fuq l-ajruport). Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li meta jkun qed isir it-test ta’ MEO, il-kunsiderazzjonijiet soċjali u reġjonali ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni.

(290)

F’dan il-każ partikolari fir-rigward tal-infrastruttura u l-investimenti relatati mal-infrastruttura, il-Ġermanja tidher li qed tikkontesta l-applikabbiltà tat-test tal-MEO.

(291)

Il-Ġermanja argumentat li t-test tal-MEO ma jistax jiġi applikat għal infrastruttura tat-trasport minħabba li m’hemmx investituri privati komparabbli. Skont il-Ġermanja, l-investituri privati ma għandhom l-ebda interess fl-ajruporti, speċjalment fejn ikun hemm il-ħtieġa li jsiru investimenti kbar. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja sostniet li dan ikun ifisser li l-investimenti li operaturi privati ma jidħlux għalihom awtomatikament jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

(292)

Il-Kummissjoni ma tistax taqbel ma’ din l-opinjoni tal-Ġermanja. It-test tal-MEO ma jistax jiġi eskluż sempliċiment għaliex is-settur privat ma jipparteċipax fil-finanzjament ta’ infrastrutturi ta’ ajruporti. Sitwazzjoni ekonomika diffiċli ma tippermettix li l-investitur pubbliku li ma jaġixxix b’mod prudenti kif kieku kien jagħmel investitur privat fl-istess sitwazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat li l-investiment f’attivitajiet ekonomiċi li ma kienx isir minn investituri privati li joperaw f’ekonomija tas-suq fih elementi ta’ għajnuna mill-Istat (68).

(293)

Il-Ġermanja mhijiex tal-fehma li l-azzjonisti tal-FLH aġixxew bħala MEO meta ddeċidew li jżidu l-kapital proprju tal-ajruport u jikkonvertu s-self mill-azzjonisti f’ekwità. Il-Kummissjoni tinnota li l-Ġermanja qalet li ż-żidiet fil-kapital kienu saru mingħajr pjan ta’ direzzjoni tan-negozju sottostanti u mingħajr prospetti għal profittabilità fit-tul.

(294)

Minkejja l-inċertezzi inerenti u sinifikanti b’rabta mal-proġett, bħan-natura fit-tul tal-proġett ta’ investiment (madwar 50 sena), la kien hemm pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ex ante, u lanqas analiżi tas-sensittività ta’ xi suppożizzjonijiet sottostanti ta’ profittabilità. Dan mhuwiex konformi mat-tip ta’ analiżi li investitur prudenti kien jagħmel għal proġett ta’ dan il-kobor.

(295)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ssib li l-injezzjonijiet ta’ kapital mill-azzjonisti pubbliċi u mill-MFAG lill-FLH taw lil din tal-aħħar vantaġġ ekonomiku (sakemm l-għotjiet ta’ investiment ma kinux purament marbuta ma’ attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika kif ġie konkluż fit-Taqsima 6.1.2).

6.3.3.   Selettività

(296)

Biex miżura tal-Istat taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, trid tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. Għalhekk, dawk il-miżuri biss li jiffavorixxu lil impriżi li jagħtu vantaġġ b’mod selettiv jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

(297)

Fil-każ preżenti, l-injezzjonijiet ta’ kapital jibbenefikaw biss lill-FLH. Għalhekk, il-miżura hija selettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.3.4.   Tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u effett fuq il-kummerċ

(298)

Meta l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jkunu qed jikkompetu fis-suq intern, din tal-aħħar trid titqies li ġiet affettwata minn dik l-għajnuna (69). Il-vantaġġ ekonomiku li se jingħata mill-injezzjonijiet ta’ kapital lill-operatur tal-ajruport isaħħaħ il-pożizzjoni ekonomika tiegħu, peress li l-operatur tal-ajruport se jkun jista’ jwaqqaf in-negozju tiegħu mingħajr ma jġarrab l-ispejjeż inerenti tal-investiment.

(299)

Kif ġie vvalutat fit-Taqsima 6.1.1, l-operat ta’ ajruport huwa attività ekonomika. Minn naħa, il-kompetizzjoni sseħħ bejn l-ajruporti biex jattiraw linji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (passiġġieri u merkanzija), u, min-naħa l-oħra, bejn l-operaturi ta’ ajruporti, li jistgħu jikkompetu bejniethom biex jiġu fdati bl-immaniġġjar ta’ ajruport partikulari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, speċjalment fir-rigward ta’ burdnara, linji tal-ajru speċjalizzati fit-trasport tal-merkanzija bl-ajru u anke linji tal-ajru tal-passiġġieri u operaturi charter, anki ajruporti li ma jkunux jinsabu fl-istess żoni ta’ lħuq u fi Stati Membri differenti jistgħu ikunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin biex jattiraw lil dawk il-linji tal-ajru.

(300)

Il-Qrati Ġenerali kkonfermaw li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa f’kompetizzjoni ma’ ajruporti fi Stati Membri oħra, b’mod partikolari mal-ajruport ta’ Brussell (il-Belġju) u ta’ Vatry (Franza) speċjalment fir-rigward ta’ titjiriet ta’ merkanzija (70). Barra minn hekk, attwalment l-ajruport ta’ Leipzig/Halle jimmaniġġja 890 000 tunnellata ta’ merkanzija bl-ajru u huwa t-tieni l-akbar ajruport tal-merkanzija fil-Ġermanja.

(301)

Il-Ġermanja sostniet li l-kompetizzjoni tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle ma’ ajruporti Ġermaniżi oħra tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru kienet limitata peress li ċ-ċentri Ġermaniżi ewlenin tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (Frankfurt am Main, Munich u Cologne/Bonn), li kienu f’kompetizzjoni mal-ajruport, kellhom restrizzjonijiet fuq il-kapaċità jew restrizzjonijiet fuq titjiriet bil-lejl.

(302)

Skont il-Ġermanja, lanqas ma kien hemm xi sovrappożizzjoni kompetittiva mal-ajruporti Ewropej l-oħra tal-merkanzija, prinċipalment ma’ Brussell u ma’ Vatry. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Vatry, il-Ġermanja rrilevat li Vatry kien ajruport żgħir ħafna u li fl-2010 il-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien aktar minn 80 darba akbar mill-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fl-ajruport ta’ Vatry. Fir-rigward tal-ajruport ta’ Brussell, il-Ġermanja saħqet li filwaqt li fl-aħħar snin l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien esperjenza żieda fil-volum tal-merkanzija, fuq l-istess perjodu l-ajruport ta’ Brussell kien esperjenza tnaqqis. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, l-ajruport ta’ Brussell kien soġġett għal tnaqqis sinifikanti fuq titjiriet billejl u għalhekk il-kompetizzjoni kienet limitata.

(303)

Mill-preżentazzjoni ta’ partijiet terzi, il-Kummissjoni tosserva li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle jintuża minn trasportaturi internazzjonali differenti tal-merkanzija bl-ajru, bħal Wirtschaftsallianz għall-proġett SALIS, Jade Cargo, Volga-Dnepr Group, Baring eċċ. Barra minn hekk, l-ajruport ta’ Leipzig/Halle huwa ċ-ċentru Ewropew tad-DHL. Il-miżuri infrastrutturali notifikati jinvolvu estensjoni ulterjuri tal-infrastruttura tal-ajruport biex isservi ajruplani akbar mingħajr ebda restrizzjonijiet ta’ MTOW. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-ajruport jopera żewġ runways (ir-runway tan-Nofsinhar u tat-Tramuntana b’tul ta’ 3 600 metru).

(304)

Skont dan li ntqal, il-Kummissjoni tqis li l-vantaġġ ekonomiku possibbli li l-FLH tista’ tirċievi minn injezzjonijiet ta’ kapital biex jiffinanzjaw il-proġetti differenti ta’ infrastruttura ta’ żvilupp u ta’ estensjoni fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle isaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-kompetituri tagħha fis-suq ta’ fornituri ta’ servizzi ajruportwali tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-merkanzija.

(305)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament pubbliku li qed jiġi eżaminat iwassal għal distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

6.3.5.   Konklużjoni

(306)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi 278 sa 305, il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-FLH fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

6.4.   IL-LEĠITTIMITÀ TAL-GĦAJNUNA

(307)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw kull pjan ta’ għoti jew modifika tal-għajnuna, u ma jistgħux idaħħlu fis-seħħ il-miżuri proposti qabel ma dik il-proċedura ta’ notifika ikollha deċiżjoni finali.

(308)

Peress li l-injezzjonijiet ta’ kapital huma soġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni u kienu għadhom ma tpoġġewx għad-dispożizzjoni tal-FLH, il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja kienet irrispettat il-projbizzjoni tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat (71).

6.5.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA

6.5.1.   Il-qafas legali applikabbli

(309)

Peress li l-injezzjonijiet ta’ kapital fl-FLH jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni jkollha teżamina jekk din l-għajnuna identifikata fil-premessa 306 tistax titqies kompatibbli mas-suq intern.

(310)

L-Artikolu 107(3) tat-Trattat jipprevedi ċerti eżenzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat li l-għajnuna mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq intern. L-għajnuna inkwistjoni tista’ tiġi vvalutata abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, li jistipula li: “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet jew ta’ ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”, tista’ titqies kompatibbli mas-suq intern.

(311)

F’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014 jiffurmaw qafas li fuqu jiġi vvalutat jekk għajnuna lil ajruporti skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat tistax tiġi dikjarata kompatibbli.

(312)

Skont il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji stabbiliti f’dawn il-linji gwida għall-miżuri ta’ għajnuna għall-investiment notifikati kollha li fir-rigward tagħhom hija mitluba biex tieħu deċiżjoni mill-4 ta’ April 2014, anke fejn il-proġetti kienu ġew notifikati qabel dik id-data (72).

(313)

Fil-premessa 308 il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li l-injezzjonijiet diretti u annwali ta’ kapital ma jikkostitwixxux għajnuna illegali mill-Istat li ngħatat qabel l-4 ta’ April 2014.

(314)

Madankollu, f’dan il-każ il-Kummissjoni tosserva li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle b’aktar minn 800 000 tunnellata huwa ajruport speċjalizzat tal-merkanzija. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-miżuri inkwistjoni huma relatati mal-istrateġija ta’ espansjoni tal-ajruport biex jidħol fis-suq tal-merkanzija.

(315)

Skont il-punt 29 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014, il-Kummissjoni għad m’għandhiex biżżejjed esperjenza biex tivvaluta l-kompatibbiltà tal-għajnuna lil ajruporti speċjalizzati fit-trasport tal-merkanzija biex tippreżenta fil-qosor il-prattika tagħha fil-forma ta’ kriterji speċifiċi ta’ kompatibbiltà. Għal dawn il-kategoriji ta’ impriżi, il-Kummissjoni se tapplika l-prinċipji komuni ta’ kompatibbiltà kif stabbilit fit-Taqsima 5 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014 permezz ta’ analiżi skont il-każ.

6.5.2.   Valutazzjoni tal-kompatibbiltà

(316)

Sabiex jiġi vvalutat jekk miżura ta’ għajnuna mill-Istat tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni ġeneralment tanalizza jekk it-tifsila tal-miżura tal-għajnuna tiżgurax li l-impatt pożittiv favur objettiv ta’ interess komuni jisboqx l-effetti negattivi potenzjali tiegħu fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni.

(317)

Il-Komunikazzjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (73) talbet għall-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-prinċipji komuni applikabbli għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kollha ta’ għajnuna mwettqa mill-Kummissjoni. Miżura ta’ għajnuna titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a)

il-kontribut lejn għan ta’ interess komuni li huwa definit sew;

(b)

il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat;

(c)

l-adegwatezza tal-miżura ta’ għajnuna;

(d)

l-effett tal-inċentiv;

(e)

il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu);

(f)

l-evitar tal-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri;

(g)

it-trasparenza tal-għajnuna: L-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-operaturi ekonomiċi u l-pubbliku interessat irid ikollhom aċċess faċli għall-atti relevanti u għall-informazzjoni pertinenti kollha dwar l-għajnuna mogħtija hemmhekk kif spjegat fit-Taqsima 8.2 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014.

6.5.2.1.   Il-kontribut lejn objettiv ta’ interess komuni li huwa definit sew

(318)

Miżura ta’ għajnuna mill-Istat għandu jkollha objettiv ta’ interess komuni skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat. Għajnuna għall-investiment lill-ajruporti ġeneralment titqies li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ objettiv ta’ interess komuni, jekk (i) jew iżżid il-mobilità u l-konnettività tar-reġjuni billi tistabbilixxi punti ta’ aċċess għal titjiriet intra-Unjoni; jew (ii) tiġġieled il-konġestjoni tat-traffiku tal-ajru f’ajruporti ċentrali ewlenin tal-Unjoni; jew (iii) tiffaċilita l-iżvilupp reġjonali.

(319)

L-injezzjonijiet ta’ kapital soġġetti għal din id-Deċiżjoni huma mmirati lejn il-finanzjament ta’ miżuri infrastrutturali fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle, ajruport speċjalizzat fit-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Kif sostniet il-Ġermanja, is-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru, b’mod partikolari merkanzija express, qed juri rati konsiderevoli ta’ tkabbir. Il-Ġermanja kompliet tgħid li t-tliet ċentri prinċipali għall-ġarr ta’ merkanzija bl-ajru fil-Ġermanja, fi Frankfurt/Main, f’Munich u f’Cologne/Bonn, qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq il-kapaċità ta’ titjiriet bil-lejl. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja qalet li, skont is-sentenza tal-Qorti Federali Amministrattiva Ġermaniża tal-4 ta’ April 2012, l-Ajruport ta’ Frankfurt Main ma jistax ikompli jwettaq operazzjonijiet ta’ titjir bil-lejl. Bħala konsegwenza, il-Ġermanja qalet li l-FLH tgħin biex tiġi evitata kriżi serja fil-kapaċità tal-merkanzija bl-ajru fil-Ġermanja.

(320)

Il-Ġermanja kompliet tgħid li l-proġett previst ilu jagħmel parti mill-istrateġija għall-iżvilupp tal-ajruport li tinsab fil-Pjan Ġenerali tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (Orizzont 2020) mill-2004 bħala “Punt ta’ konnessjoni tal-Komunità. L-ajruport ta’ Leipzig/Halle jinsab fir-reġjun tal-Ġermanja Ċentrali (qrib ħames rotot prinċipali tan-netwerk Trans-Ewropew tat-trasport u tal-passaġġi Pan-Ewropej) u jinsab fil-punt fejn jiltaqgħu żewġ awtostradi li jgħaqqdu flimkien it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa (jiġifieri l-Awtostrada federali A 9) u l-Ewropa tal-Punent u l-Ewropa tal-Lvant (jiġifieri l-Awtostrada federali A 14) b’aċċess għal netwerk ferrovjarju u tat-toroq.

(321)

Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, minħabba l-pożizzjoni tiegħu fiċ-ċentru tal-Ewropa u b’suq ta’ madwar 7 miljun persuna f’periferija ta’ 100 km mill-ajruport u l-pożizzjoni tiegħu viċin infrastruttura ferrovjarja u tat-toroq, l-ajruport għandu potenzjal kbir għal tkabbir. Kif iddikjarat fil-premessa 319, is-settur tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru qed juri rati sostanzjali ta’ tkabbir (jiġifieri bejn l-2007 u l-2011 ir-rata medja tat-tkabbir tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri kien ta’ madwar 5,0 % u fil-qasam tal-ġarr ta’ merkanzija ta’ 4,3 %) (74). Madankollu, il-kapaċitajiet attwali tal-ajruport qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq titjiriet billejl (ara l-premessa 319).

(322)

Kif issemma fil-premessa 319, huwa mistenni li l-ajruport se jesperjenza żieda gradwali iżda sinifikanti fit-traffiku tal-merkanzija. Fir-rigward tal-volumi tal-merkanzija, il-Ġermanja qalet li, meta mqabbel ma’ ajruporti oħra, Leipzig/Halle qed jirreġistra rati kostanti ta’ tkabbir (fejn fl-2007 ġiet ipproċessata 101 364 tunnellata ta’ merkanzija, din il-figura telgħet għal 442 453 tunnellata fl-2008, 524 084 tunnellata fl-2009 u 663 059 tunnellata fl-2010). Sabiex tikkomplimenta d-dikjarazzjoni tagħha, il-Ġermanja indikat li l-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru żdied bi 18,5 % fl-2009 u b’26,5 % fl-2010. Skont il-Ġermanja, kienet mistennija żieda ulterjuri fil-volum tal-merkanzija. F’dan ir-rigward il-Ġermanja ċċarat li sal-2020 huwa previst li tiġi mmaniġġjata madwar 820 000 tunnellata ta’ merkanzija bl-ajru. (75) Madankollu, il-Ġermanja sostniet li, sal-2015 din il-previżjoni tkun diġà ntlaħqet. (76) Fil-ġejjieni hija prevista żieda ulterjuri fl-operazzjonijiet tat-traffiku tal-merkanzija, b’mod partikulari fir-rigward ta’ aktar restrizzjonijiet fuq titjiriet billejl f’ajruporti Ġermaniżi oħra (jiġifieri Frankfurt Main u oħrajn).

(323)

Il-Kummissjoni tinnota li l-implimentazzjoni tal-proġett se jkollha impatt pożittiv fuq ir-reġjun kollu u se tinfluwenza b’mod pożittiv l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiegħu. Il-Ġermanja sostniet li dak iż-żmien kien hemm 133 kumpanija preżenti fl-ajruport, li fl-2010 kienu jimpjegaw total ta’ 5 106 persuna (żieda ta’ 14,4 % meta mqabbla mal-2009). Il-Ġermanja kompliet tgħid li b’mod partikulari l-proġett ta’ investiment se jtejjeb l-aċċess għar-reġjun u jżid l-attraenza tiegħu għall-investituri u għall-viżitaturi. Il-Kummissjoni tinnota li dan kien sostnut ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet terzi (ara t-Taqsima 4). Barra minn hekk, dan għandu jħalli impatt pożittiv fuq l-impjiegi meta wieħed iżomm f’moħħu li l-qgħad huwa sinifikament ogħla fir-reġjun ta’ Leipzig/Halle (il-qgħad fir-reġjun ta’ Sachsen jammonta għal 10,3 %, f’Saxony-Anhalt għal 11,2 %) mill-medja nazzjonali (ta’ 6,9 %).

(324)

Għalhekk il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-bini u l-operat tal-infrastruttura jservu objettiv definit b’mod ċar ta’ interess komuni, jiġifieri l-iżvilupp ta’ ajruport b’komponent kbir ta’ trasport tal-merkanzija bl-ajru konformi mal-politika tal-Unjoni f’dan ir-rigward, filwaqt li jitqiesu l-aspetti reġjonali u l-fatt li f’dan il-każ il-kriterju ta’ kompatibbiltà huwa sodisfatt.

6.5.2.2.   Ħtieġa ta’ intervent mill-Istat

(325)

Miżura ta’ intervent mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjoni li fiha l-għajnuna tista’ ġġib titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax jikseb, pereżempju billi jiġi rimedjat falliment tas-suq jew jiġi indirizzat tħassib dwar l-ekwità jew il-koeżjoni.

(326)

Il-Ġermanja sostniet li l-ajruport ta’ Leipzig/Halle jbati minn investiment storikament b’lura. Il-Ġermanja kienet tal-fehma li l-finanzjament huwa limitat għall-minimu meħtieġ u legalment previst, kemm f’termini tal-ammont ta’ għajnuna kif ukoll l-intensità tal-għajnuna. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja l-miżuri jikkonċernaw investimenti infrastrutturali fit-tul li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ajruport fid-dawl taż-żieda futura fit-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri. Il-Ġermanja argumentat li l-miżuri mhumiex sproporzjonati fid-daqs u lanqas ma jinvolvu spiża sproporzjonata. Il-Ġermanja qalet li, wara ppjanar bir-reqqa bil-quddiem u stimi tal-ispejjeż, l-ispejjeż tnaqqsu għal livell minimu. Fl-opinjoni tal-Ġermanja, tnaqqis ulterjuri tal-finanzjament mill-Istat mhuwiex possibbli peress li infrastruttura ta’ dan il-kobor ma tistax tiġi finanzjata mill-operaturi tal-ajruporti mir-riżorsi tagħhom stess.

(327)

Il-Ġermanja qajmet l-argument li d-dħul mis-servizzi ma jkoprix l-ispejjeż tal-bini tal-infrastruttura u sostanzjat dan l-argument abbażi ta’ diskrepanza tal-likwidità u valutazzjoni kontrofattwali.

(328)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna se ġġib titjib materjali għall-proġett ta’ investiment li s-suq innifsu ma jistax jikseb u li hemm il-ħtieġa ta’ intervent mill-Istat.

6.5.2.3.   Adegwatezza tal-miżura tal-għajnuna

(329)

Il-miżura ta’ għajnuna trid tkun għodda politika xierqa li tindirizza l-objettiv ta’ interess komuni.

(330)

Kif ġie spjegat fit-Taqsima 6.5.2.2, il-Ġermanja wriet li l-finanzjament tal-proġett permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital huwa strument xieraq biex titjieb il-kundizzjoni tal-infrastruttura fl-ajruport ta’ Leipzig/Halle. L-ebda forma oħra ta’ għajnuna anqas distortiva ma kienet se tassigura l-finanzjament tax-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa.

(331)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni hija strument politiku adegwat.

6.5.2.4.   L-effett ta’ inċentiv

(332)

L-għajnuna għandha tbiddel l-imġiba tal-impriżi kkonċernati b’tali mod li dawn jinvolvu ruħhom f’attività addizzjonali li kieku ma jkunux jistgħu jwettqu mingħajr l-għajnuna jew li kieku jkunu jistgħu jagħmlu biss b’mod ristrett jew differenti.

(333)

L-ewwel nett, ix-xogħlijiet fuq investiment individwali jistgħu’ jibdew biss wara li tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni lill-awtorità awtorizzanti. Jekk ix-xogħlijiet jibdew qabel ma tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni lill-awtorità awtorizzanti, kwalunkwe għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dak l-investiment individwali ma titqiesx kompatibbli mas-suq intern.

(334)

Il-Ġermanja sostniet li x-xogħlijiet ma kinux bdew qabel ġiet ippreżentata l-applikazzjoni lill-awtorità awtorizzanti. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li dan il-kriterju huwa ssodisfat.

(335)

It-tieni nett, proġett ta’ investiment f’ajruport jista’ jkun ekonomikament attraenti fih innifsu. Għalhekk, jeħtieġ li jkun verifikat li l-investiment ma kienx isir, jew ma kienx isir sa dak il-punt, mingħajr għajnuna mill-Istat. Jekk dan ikun ikkonfermat, il-Kummissjoni se tikkunsidra li miżura ta’ għajnuna għandha effett ta’ inċentiv.

(336)

L-effett tal-inċentiv huwa identifikat permezz ta’ analiżi kontrofattwali, bit-tqabbil tal-livelli tal-attività intiża bl-għajnuna u mingħajr l-għajnuna.

(337)

Fejn l-ebda kontrofattwal speċifiku ma jkun magħruf, l-effett ta’ inċentiv jista’ jiġi preżunt meta jkun hemm diskrepanza tal-likwidità tal-kost kapitali, jiġifieri, meta fuq il-bażi tal-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju, ikun jista’ jintwera li hemm differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u dawk negattivi (inklużi spejjeż ta’ investiment f’assi kapitali fissi) matul il-ħajja tal-investiment f’termini tal-valur preżenti nett (77).

(338)

F’dan il-każ, il-Ġermanja ppreżentat kalkolu ta’ diskrepanza tal-likwidità li jidentifika diskrepanza tal-likwidità ta’ mill-inqas EUR 142,1 miljuni (ara t-Tabella 5 u t-Tabella 6). Barra minn hekk, valutazzjoni tax-xenarju kontrofattwali turi li jekk l-investimenti infrastrutturali jiġu kompletament iffinanzjati permezz tas-self, l-ajruport ma jkunx jiflaħ jipprovdi l-finanzjament neċessarju.

(339)

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment għandha effett ta’ inċentiv.

6.5.2.5.   Il-proporzjonalità tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu)

(340)

L-ammont tal-għajnuna jrid ikun limitat għall-minimu meħtieġ sabiex jinduċi l-investiment addizzjonali jew l-attività fiż-żona kkonċernata.

(341)

Biex għajnuna għall-investiment lill-ajruporti tkun proporzjonali hija trid tkun limitata għall-kostijiet żejda (nett ta’ dħul żejjed) li jirriżultaw mit-twettiq tal-proġett megħjun/l-attività megħjuna minflok il-proġett/l-attività alternattivi li l-benefiċjarju kien jidħol għalihom fix-xenarju kontrafattwali, jiġifieri li kieku ma rċeviex l-għajnuna. Meta ma jkun magħruf l-ebda kontrofattwal speċifiku, sabiex ikun proporzjonat, l-ammont ta’ għajnuna ma għandux jaqbeż id-diskrepanza tal-likwidità tal-proġett ta’ investiment (l-hekk imsejħa “diskrepanza tal-likwidità tal-kost kapitali”), li tiġi determinata fuq il-bażi ta’ pjan ta’ direzzjoni tan-negozju ex ante bħala l-valur preżenti nett tad-differenza bejn il-flussi tal-flus pożittivi u dawk negattivi (inkluż spejjeż ta’ investiment) matul il-ħajja tal-investiment. Għall-għajnuna għall-investiment, il-pjan tan-negozju għandu jkopri l-perjodu tal-utilizzazzjoni ekonomika tal-assi.

(342)

L-intensità tal-għajnuna xorta waħda ma tistax taqbeż id-diskrepanza attwali fil-finanzjament tal-proġett ta’ investiment.

(343)

Kif ġie ddikjarat fit-Taqsimiet 6.5.2.2 u 6.5.2.3, il-Ġermanja ppreżentat kalkolu komplimentari tad-diskrepanza tal-likwidità għall-proġett notifikat li jammonta għal EUR 142,1 miljun li jiġġustifika intensità tal-għajnuna ta’ 75 % (ara t-Tabella 6) diment li l-injezzjonijiet ta’ kapital ikunu ġew injettat fl-istess ħin mal-investimenti mwettqa. Madankollu, peress li l-injezzjonijiet ta’ kapital se jsiru biss wara l-approvazzjoni tal-Kummissjoni fl-2014, id-diskrepanza tal-likwidità identifikata mill-Ġermanja tammonta għal EUR 166,9 miljun li tiġġustifika intensità tal-għajnuna ta’ 88,1 % (ara t-Tabella 5).

(344)

Fin-nuqqas ta’ limitu għall-intensitajiet massimi tal-għajnuna permissibbli f’ajruporti tal-merkanzija, l-intensità tal-għajnuna hija limitata għad-diskrepanza tal-likwidità tal-proġett ta’ investiment. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-ammont tal-għajnuna huwa proporzjonat u limitat għall-minimu.

6.5.2.6.   L-evitar tal-effetti negattivi bla bżonn fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati

(345)

L-effetti negattivi tal-għajnuna għandhom ikunu limitati biżżejjed, sabiex il-bilanċ ġenerali tal-miżura jkun pożittiv.

(346)

Sabiex tkun limitata ulterjorment kull distorsjoni, l-ajruport, inkluż kwalunkwe investiment li għalih tingħata l-għajnuna, irid ikun miftuħ għall-utenti potenzjali kollha u ma jistax ikun iddedikat għal utent speċifiku wieħed. Fil-każ ta’ limitazzjoni fiżika tal-kapaċità, l-allokazzjoni għandha ssir fuq il-bażi ta’ kriterji pertinenti, oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji.

(347)

Il-Ġermanja sostniet li l-bilanċ globali tal-effetti tal-miżuri fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa pożittiv. F’dan ir-rigward, il-Ġermanja l-ewwel ikkonfermat li l-utenti potenzjali kollha (il-linji tal-ajru u t-trasportaturi tal-merkanzija bl-ajru) se jkollhom aċċess għall-infrastruttura l-ġdida fuq bażi ugwali u nondiskriminatorja.

(348)

Imbagħad, il-Ġermanja sostniet li l-miżuri infrastrutturali inkwistjoni huma ta’ natura mhux espansjonarja. Fir-rigward ta’ xi effett potenzjali fuq il-kompetituri tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle, il-Ġermanja qalet li l-ajruporti fil-viċinanza ta’ Leipzig/Halle ma kinux speċjalizzati fit-trasport tal-merkanzija bl-ajru. Barra minn hekk, fir-rigward tal-ajruport ta’ Altenburg-Nobitz, ta’ Berlin Brandenburg, ta’ Dresden, ta’ Erfurt, ta’ Hof, ta’ Magdeburg, ta’ Magdeburg-Cochstedt u ta’ Praga, il-Ġermanja qalet li għal xi wħud minn dawn l-ajruporti d-distanzi ġeografiċi kienu kbar wisq, l-ajruporti kienu jinsabu f’reġjuni ekonomiċi differenti, iż-żoni ta’ qbid kienu pjuttost differenti jew l-ajruporti kienu ta’ daqs żgħir ħafna.

(349)

Rigward l-ajruporti Ġermaniżi l-oħra tal-merkanzija, il-Ġermanja qalet li l-kompetizzjoni tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle kienet limitata peress li ċ-ċentri Ġermaniżi ewlenin tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (Frankfurt am Main, Munich u Cologne/Bonn), li kienu f’kompetizzjoni ma’ Leipzig/Halle, kellhom restrizzjonijiet fuq il-kapaċità jew restrizzjonijiet fuq titjiriet billejl.

(350)

Skont il-Ġermanja, ma kien hemm ukoll l-ebda sovrappożizzjoni kompetittiva mal-ajruporti Ewropej l-oħra tal-merkanzija, prinċipalment ma’ Brussell u ma’ Vatry. Dwar l-ajruport ta’ Vatry, il-Ġermanja rrilevat li Vatry kien ajruport żgħir ħafna u li fl-2010 il-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru tal-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien aktar minn 80 darba akbar mill-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru fl-ajruport ta’ Vatry. Rigward l-ajruport ta’ Brussell, il-Ġermanja argumentat li, filwaqt li fl-aħħar snin l-ajruport ta’ Leipzig/Halle kien esperjenza żieda fil-volum ta’ merkanzija, fuq l-istess perjodu l-ajruport ta’ Brussell kien esperjenza tnaqqis. Barra minn hekk, skont il-Ġermanja, l-ajruport ta’ Brussell kien soġġett għal restrizzjoni sinifikanti fuq titjiriet bil-lejl u għalhekk il-kompetizzjoni kienet limitata.

(351)

Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-effetti negattivi tal-għajnuna huma limitati biżżejjed. Konsegwentement, il-Kummissjoni tista’ tikkonkludi li l-kriterju ta’ kompatibbiltà huwa ssodisfat.

6.5.2.7.   It-trasparenza tal-għajnuna

(352)

Il-Ġermanja hija mfakkra dwar l-obbligi ta’ trasparenza fir-rigward tal-pubblikazzjoni tad-dettalji tal-għajnuna mogħtija, kif spjegat fit-Taqsima 8.2 tal-Linji gwida tal-avjazzjoni tal-2014.

6.5.3.   Konklużjoni

(353)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ il-kundizzjonijiet komuni kollha għall-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat huma ssodisfati.

(354)

Fid-dawl tal-valutazzjoni magħmula, il-Kummissjoni tikkonkludi li fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern sakemm tkun limitata għall-finanzjament tad-diskrepanza tal-likwidità tal-proġett ta’ investiment.

7.   KONKLUŻJONI

(355)

Fid-dawl tas-sejbiet fit-Taqsima 6.1.1, l-FLH hija impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Skont il-valutazzjoni fit-Taqsima 6.1.2, il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament tal-miżuri M5 stazzjon ġdid għat-tifi tan-nar, M9 tagħmir għat-tifi tan-nar u M8 ħeliport jista’ jitqies li jaqa’ taħt il-mandat tal-ordni pubbliku. Skont il-valutazzjoni fit-Taqsima 6.1.2, il-finanzjament tal-miżuri l-oħra kollha ma jistax jiġi eżentat mill-iskrutinju skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(356)

Skont il-kunsiderazzjonijiet fit-Taqsima 6.2.1, il-Kummissjoni tqis li s-self mill-azzjonisti tal-FLH kien ingħata bit-termini tas-suq, u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(357)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fit-Taqsima 6.3, il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament pubbliku mogħti lill-FLH fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Peress li l-injezzjonijiet ta’ kapital huma soġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni u ma tpoġġewx għad-dispożizzjoni tal-FLH, il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja kienet irrispettat il-projbizzjoni tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

(358)

Skont il-valutazzjoni fit-Taqsima 6.5, il-Kummissjoni tqis li f’dan il-każ il-kundizzjonijiet komuni kollha għall-kompatibbiltà skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat ġew issodisfati. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk il-miżuri huma kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat sakemm ikunu limitati għall-finanzjament tad-diskrepanza tal-likwidità tal-proġett ta’ investiment.

(359)

Il-Kummissjoni tosserva li, fis-17 ta’ Ġunju 2014, il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni li qed taċċetta eċċezzjonalment li din id-deċiżjoni tiġi adottata bl-Ingliż,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-self mill-azzjonisti li ngħata lill-Flughafen Leipzig/Halle GmbH ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

1.   Sakemm l-injezzjonijiet ta’ kapital fi Flughafen Leipzig/Halle GmbH ikopru spejjeż li jaqgħu taħt il-mandat tal-ordni pubblika li għalihom l-operatur tal-ajruport huwa intitolat għal rimborż skont it-Taqsima 8(3) tal-LuftSiG u l-ispejjeż tal-ħeliport, dawn ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   Sakemm l-injezzjonijiet ta’ kapital fi Flughafen Leipzig/Halle GmbH ikunu limitati għad-diskrepanza tal-likwidità tal-proġett ta’ investiment u ma jkoprux l-ispejjeż marbuta mal-mandat politiku stabbilit fil-paragrafu 1, dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.   Sa fejn l-ammont tal-injezzjonijiet ta’ kapital jaqbeż l-ammonti ddikjarati kompatibbli mas-suq intern fil-paragrafu 1 u 2, huwa jikkostitwixx għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat). Iż-żewġ settijiet ta’ Artikoli huma, fis-sustanza tagħhom, identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għandhom jinftehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq. It-Trattat introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija bħall-bdil ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u “suq komuni” b’“suq intern”. It-terminoloġija tat-Trattat se tintuża b’mod konsistenti f’din id-Deċiżjoni.

(2)  ĠU C 284, 28.9.2011, p. 6.

(3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(5)  Applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għall-għajnuniet mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni (traduzzjoni mhux uffiċjali - ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5).

(6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Linji gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna ta’ bidu lil linji tal-ajru li jitilqu mill-ajruporti reġjonali (traduzzjoni mhux uffiċjali - ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).

(7)  ĠU C 113, 15.4.2014, p. 30.

(8)  L-azzjonist prinċipali tal-FLH huwa Mitteldeutsche Flughafen AG, li għandha parteċipazzjoni ta’ 94 fil-mija fl-FLH. Il-bqija tal-ishma huma propjetà ta’ Freistaat Sachsen, Landkreis Nordsachen u Stadt Schkeuditz. Ma hemm ebda azzjonist privat.

(9)  L-azzjonisti tal-MFAG huma: 76,64 fil-mija Freistaat Sachsen, 18,54 fil-mija Land Sachsen-Anhalt, 2,52 fil-mija Stadt Dresden, 0,2 fil-mija Stadt Halle, 2,1 fil-mija Stadt Leipzig. Ma hemm ebda azzjonist privat.

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/948/KE tat-23 ta’ Lulju 2008 dwar miżuri mill-Ġermanja għall-benefiċċju tad-DHL u tal-ajruport Leipzig/Halle C 48/06 (ex N 227/06) (ĠU L 346, 23.12.2008, p. 1) kienu diġà ġew ivvalutati l-kontribuzzjonijiet kapitali mill-azzjonisti pubbliċi tal-FLG li kienu qed jiffinanzjaw il-bini tar-runway il-ġdida tan-Nofsinhar u miżuri oħra li jammontaw għal EUR 350 miljun u deċiżi sal-2006, u nstab li dawn huma kompatibbli mas-suq intern u, għalhekk, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni attwali.

(*)  kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

(11)  Deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-pjan għar-runway tan-nofsinhar għat-tlugħ u għall-illandjar u għar-rampa tal-ajruport ta’ awtorità Ġermaniża responsabbli għall-ippjanar tal-4 ta’ Novembru 2004 u l-ewwel emenda għal dik id-deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2005.

(12)  L-ajruport ta’ Leipzig/Halle għandu żewġ taxiways li jaqsmu r-rotot fuq l-art (l-awtostrada A14, linja ferrovjarja b’veloċità għolja, triq nazzjonali b’erba’ karreġġati), li jfisser li jridu jinbnew pontijiet għat-taxiways.

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili (traduzzjoni mhux uffiċjali – ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1).

(14)  Sal-1 ta’ April 2011.

(15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(16)  Abbażi ta’ stimi qabel l-2011.

(17)  Abbażi ta’ stimi qabel l-2011.

(18)  Kawża T-128/98 Aéroports de Paris v l-Kummissjoni, [2000] Ġabra II-3929.

(19)  Kawżi Konġunti T-443/08 u T-455/08 Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig Halle GmbH v Il-Kummissjoni, (is-sentenza ‘Leipzig-Halle airport’), [2011] Ġabra II-1311.

(20)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat fil-kawża N620/06 Ġermanja Memmingen/Ajruport Reġjonali ta’ Allgäu (ĠU C 133, 15.6.2007, p. 8).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72).

(22)  Offerta ta’ self minn Sachsen LB mill-14.1.2010 li tipproponi marġni minn 55 punti bażi fis-sena sa 80 punt bażi fis-sena skont l-ammont tas-self (aktar ma jkun għoli l-ammont tas-self, inqas ikun il-marġni offrut).

(23)  Offerta ta’ self minn Nord LB mill-11.1.2010 li tipproponi marġni ta’ riskju minn 22 punt bażi fis-sena sa 238 punt bażi fis-sena skont l-ammont tas-self.

(24)  Il-Premessa 95 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

(25)  Informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali

(26)  Pjan ta’ azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa, KUMM(2006) 819 finali, 24 ta’ Jannar 2007.

(27)  Ir-rata ta’ skont ġiet stabbilita permezz tal-Mudell tal-Ipprezzar tal-Assi Kapitali: re = rf + ßi (MRP)

Rf = Rata bażi - = […] % fit-30.12.2005

ßi = Fattur beta = […] fl-1.1.2006

MRP = Primjum tar-Riskju tas-Suq qabel it-taxxi = […] % fl-1.1.2006.

(28)  VPN tad-diskrepanza tal-likwidità/VPN tal-investimenti = EUR 166,9 miljun/EUR 189,4 miljun = 88,10 %

(29)  Il-perjodu ta’ żmien li fih seħħ l-investiment huwa identiku għall-finanzjament permezz ta’ injezzjonijiet ta’ kapital.

(30)  VPN tad-diskrepanza tal-likwidità/VPN tal-investimenti = EUR 142,1 miljun/EUR 189,4 miljun = 75,00 %

(31)  Deċiżjoni 2008/948/KE.

(32)  Ara l-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni v l-Italja [1998] Ġabra I-3851 u l-Kawżi C180/98 sa 184/98 Pavlov [2000] Ġabra I-6451.

(33)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għal kumpens mogħti għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4) parti 2.1 u l-każistika assoċjata, b’mod partikolari l-Kawżi konġunti C-180/98 sa C-184/98 Pavlov u Oħrajn, [2000] Ġabra I-6451, iżda ara wkoll il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze u Oħrajn [2006] Ġabra I-289; Kawża C-205/03 P FENIN v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-6295, u l-Kawża C-49/07 MOTOE [2008] Ġabra I-4863.

(34)  Il-Kawża 118/85 Il-Kummissjoni v l-Italja, [1987] Ġabra 2599, paragrafu 7; il-Kawża C-35/96 Il-Kummissjoni v L-Italja, [1998] Ġabra I-3851, paragrafu 36; Pavlov u Oħrajn, paragrafu 75.

(35)  Il-Kawżi Konġunti 209/78 sa 215/78 u 218/78 Van Landewyck, [1980] Ġabra 3125, il-paragrafu 88; il-Kawża C-244/94 FFSA u Oħrajn, [1995] Ġabra I-4013, paragrafu 21; u l-Kawża C-49/07 MOTOE, [2008] Ġabra I-4863, paragrafi 27 u 28.

(36)  Il-Kawża T-128/98 Aéroports de Paris v Il-Kummissjoni, [2000] Ġabra II-3929, ikkonfermata mill-Kawża C-82/01, [2002] Ġabra I-9297, il-paragrafi 75-79.

(37)  Il-Kawżi Konġunti T-443/08 u T-455/08 Mitteldeutsche Flughafen AG u Flughafen Leipzig Halle GmbH v Il-Kummissjoni, (is-sentenza ‘Leipzig-Halle airport’), [2011] Ġabra II-1311, b’mod partikolari l-paragrafi 93 u 94; ikkonfermati mill-Kawża C-288/11 P Mitteldeutsche Flughafen u Flughafen Leipzig/Halle v Il-Kummissjoni, [2012] li għadha ma ġietx ippubblikata.

(38)  Ara s-sentenza Leipzig/Halle airport, paragrafu 106.

(39)  Is-sentenza Leipzig/Halle airport, il-paragrafu 102 u ta’ wara.

(40)  Il-Kawża C-205/03P FENIN v Il-Kummissjoni [2006] Ġabra I-6295, il-paragrafu 88; u s-sentenza Leipzig/Halle airport, il-paragrafu 95.

(41)  Is-sentenza Leipzig/Halle airport, paragrafu 98.

(42)  Il-Kawża C-118/85 Il-Kummissjoni v L-Italja, [1987] Ġabra 2599, il-paragrafi 7 u 8, u l-Kawża C-30/87 Bodson/Pompes funèbres des régions libérées, [1988] Ġabra 2479, il-paragrafu 18.

(43)  Ara, b’mod partikolari, il-Kawża C-364/92 SAT/Eurocontrol, [1994] Ġabra I-43, paragrafu 30 u l-Kawża C-113/07 P Selex Sistemi Integrati v Il-Kummissjoni, [2009] Ġabra I-2207, paragrafu 71.

(44)  Il-Kawża C-343/95 Cali & Figli v Servizi ecologici porto di Genova, [1997] Ġabra I-1547. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 309/02 tad-19 ta’ Marzu 2003, sigurtà tal-Avjazzjoni - kumpens għall-kostijiet li ġew imġarrba wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru 2001, (ĠU C 148, 25.6.2003, p. 7). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 438/02 tas-16 ta’ Ottubru 2002, Għajnuna ta’ sostenn tal-funzjonijiet tal-awtorità pubblika fis-settur tal-portijiet, (ĠU C 284, 21.11.2002, p. 2).

(45)  Ara fost l-oħrajn il-Kawża C-172/03 Wolfgang Heiser v Finanzamt Innsbruck, [2005] Ġabra I-01627, il-paragrafu 36, u l-ġurisprudenza ċċitata f’dik is-sentenza.

(46)  Skont ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ottubru 2002 li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ĠU L 355, 30.12.2002, p. 1).

(47)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2014 fil-Kawża SA.35847 (2012/N) dwar għajnuna mill-Istat– ir-Repubblika Ċeka – l-Ajruport ta’ Ostrava, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU, premessa 16.

(48)  It-Taqsima 27(d)(1) tal-LuftVG: “Flugsicherungsdienste und die dazu erforderlichen flugsicherungstechnischen Einrichtungen werden an den Flugplätzen vorgehalten, bei denen das Bundesministerium für Verkehr, Bau und Stadtentwicklung einen Bedarf aus Gründen der Sicherheit und aus verkehrspolitischen Interessen anerkennt”.

(49)  Is-sentenza Leipzig/Halle, il-paragrafu 115.

(50)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri: l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KEE u tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għal impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3, punt 11). Il-Komunikazzjoni tittratta s-settur tal-manifattura, iżda hija applikabbli għas-setturi ekonomiċi l-oħra. Ara wkoll il-Kawża T-16/96 Cityflyer [1998] Ġabra II-757, il-paragrafu 51.

(51)  Ara, pereżempju, Updated Summary Guidance for Notching Bonds, Preferred Stocks and Hybrid Securities of Corporate Issuers ta’ Moody’s (Frar 2007).

(52)  Il-livell tal-kollaterali jista’ jitkejjel bħala t-Telf fil-Każ ta’ Inadempjenza (LGD), li huwa t-telf mistenni f’perċentwal tal-iskopertura tad-debitur filwaqt li jitqiesu l-ammonti rekuperabbli mill-kollateral u l-assi tal-falliment; bħala konsegwenza l-LGD huwa proporzjonalment invers għall-validità tal-kollateral.

(53)  Paper International Convergence of Capital Measurement and Capital Standards ippubblikat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja f’Ġunju 2006.

(54)  Ir-rata ta’ swap hija l-ekwivalenti b’maturità itwal tar-Rata Inter-Bankarja Offruta (ir-Rata IBOR). Tintuża fis-swieq finanzjarji bħala r-rata ta’ referenza biex tiġi stabbilita r-rata tal-iffinanzjar.

(55)  Swap ta’ inadempjenza ta’ kreditu (CDS) huwa kuntratt ta’ derivattiv ta’ kreditu (negozjabbli) bejn żewġ kontropartijiet, ix-xerrej ta’ protezzjoni u l-bejjiegħ ta’ protezzjoni, li jittrasferixxi r-riskju ta’ kreditu fuq entità referenzjarja sottostanti mix-xerrej ta’ protezzjoni għall-bejjiegħ ta’ protezzjoni. Kull perjodu x-xerrej ta’ protezzjoni jħallas primjum lill-bejjiegħ ta’ protezzjoni sal-maturità tal-kuntratt CDS jew sakemm iseħħ event predefinit ta’ kreditu fuq l-entità referenzjarja sottostanti (skont liema jiġi l-ewwel). Il-primjum perjodiku mħallas mix-xerrej ta’ protezzjoni (espress bħala perċentwali jew f’termini ta’ punti bażi tal-ammont protett, in-“nozzjonal”) jissejjaħ il-firxa ta’ CDS. Il-firxiet ta’ CDS tista’ tintuża bħala indikatur viċin il-prezz tar-riskju ta’ kreditu.

(56)  Ara pereżempju Oxera, Estimating the cost of capital for Dutch water companies, 2011 (p.3), jew id-dejta minn Bloomberg dwar tariffi ta’ sottoskrizzjoni għall-ħruġ ta’ bonds. Fil-bqija ta’ din id-Deċiżjoni, se tintuża tariffa ta’ 20 punti bażi biex tinkiseb stima konservattiva.

(57)  Ara pereżempju Oxera, Estimating the cost of capital for Dutch water companies, 2011 (p. 3), jew id-dejta minn Bloomberg dwar tariffi ta’ sottoskrizzjoni għall-ħruġ ta’ bonds.

(58)  Il-Kawża C-482/99 Franza v Il-Kummissjoni (“Stardust Marine”) [2002] Ġabra I-4397.

(59)  Il-Kawżi konġunti T-267/08 u T-279/08, Nord-Pas-de-Calais [2011], [2011] Ġabra II-1999, il-paragrafu 108.

(60)  Il-Kawża 78/76, Steinike & Weinlig v Il-Ġermanja, [1977] Ġabra 595, il-paragrafu 21.

(61)  Il-Kawża C-39/94 Syndicat français de l’Express international (SFEI) u oħrajn v La Poste u oħrajn [1996] Ġabra I-3547, il-paragrafu 60 u l-Kawża C-342/96 Ir-Renju ta’ Spanja v il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1999] Ġabra I-2459, il-paragrafu 41.

(62)  Il-Kawża 173/73 Ir-Repubblika Taljana v Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej [1974] Ġabra 709, il-paragrafu 13.

(63)  Il-Kawża C-482/99 Franza v Il-Kummissjoni (Stardust Marine) [2002] Ġabra I-4397, il-paragrafu 69.

(64)  Il-Kawża C-305/89 L-Italja v Il-Kummissjoni (Alfa Romeo) [1991] Ġabra I-1603, il-paragrafu 23; il-Kawża T-296/97 Alitalia v Il-Kummissjoni [2000] Ġabra II-03871, il-paragrafu 84.

(65)  Il-Kawża 40/85 Il-Belġju v Il-Kummissjoni [1986] Ġabra I-2321.

(66)  Stardust Marine, il-paragrafu 71.

(67)  Il-Kawża C-124/10P Il-Kummissjoni Ewropea v Électricité de France (EDF) [2012], għadha mhux ippubblikata, il-paragrafu 85.

(68)  Is-sentenza Leipzig/Halle, il-paragrafu 115.

(69)  Il-Kawża T-214/95 Het Vlaamse Gewest v Il-Kummissjoni [1998] Ġabra II-717.

(70)  Leipzig/Halle airport, il-paragrafu 93 u d-Deċiżjoni 2008/948/KE, premessa 8.

(71)  Il-Kawża T-109/01 Fleuren Compost v Il-Kummissjoni [2004] Ġabra II-127.

(72)  Il-Punt 173 tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2014.

(73)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM), COM(2012) 209 finali.

(74)  IATA, Tbassir dwar traffiku ta’ passiġġieri u merkanzija 2007 sal-2011, Ottubru 2007.

(75)  Fuq il-bażi ta’ stimi qabel l-2011.

(76)  Fuq il-bażi ta’ stimi tal-2011.

(77)  Dan ma jipprekludix li jipprevedu li benefiċċji futuri jistgħu jpattu għal telf inizjali.


4.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/43


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1470

tat-30 ta’ Marzu 2015

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.38517 (2014/C) (ex 2014/NN) et seq implimentata mir-Rumanija — Deċiżjoni ta’ Arbitraġġ Micula vs ir-Rumanija tal-11 ta’ Diċembru 2013

(notifikata bid-dokument C(2015) 2112)

(It-test Rumen biss huwa awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu, (1)

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li sejħet lill-partijiet interesssati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjoni(jiet) imsemmija hawn fuq (2) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

B’Deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013 (“id-Deċiżjoni”), tribunal tal-arbitraġġ (“it-Tribunal”) stabbilit taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (“ICSID”) fil-Kawża Micula a.o. vs ir-Rumanija  (3) ta kumpens favur il-ħames rikorrenti (l-aħwa Viorel u Ioan Micula u l-kumpaniji S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., u S.C. Multipack, li huma kollha proprjetà tal-aħwa Micula; kollettivament, “ir-rikorrenti”) kontra r-Rumanija fl-ammont ta’ RON 376 433 229 (madwar EUR 82 miljun (4)) għan-nuqqas tar-Rumanija li tassigura trattament ġust u ekwu tal-investimenti tar-rikorrenti, li kien jammonta għal ksur, min-naħa tar-Rumanija, tal-Artikolu 2(3) tal-Ftehim bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern tar-Rumanija dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni Reċiproka tal-Investimenti (“il-BIT”) (5). Barra minn hekk, it-Tribunal iddeċieda li għandu jkun dovut imgħax fuq dik is-somma sakemm ir-Rumanija timplimenta b’mod sħiħ id-Deċiżjoni. Sal-11 ta’ Diċembru 2013, l-ammont totali hekk dovut mir-Rumanija lir-rikorrenti kien jammonta għal RON 791 882 452 (madwar EUR 178 miljun (6)).

(2)

B’ittra tal-31 ta’ Jannar 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-awtoritajiet Rumeni li kwalunkwe implimentazzjoni jew eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tkun tikkostitwixxi għajnuna ġdida u tkun trid tiġi notifikata lill-Kummissjoni.

(3)

Fl-20 ta’ Frar 2014, l-awtoritajiet Rumeni infurmaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li kienu implimentaw b’mod parzjali d-Deċiżjoni billi paċew porzjon mill-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti kontra t-taxxi dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, jiġifieri S.C. European Food S.A, lill-awtoritajiet Rumeni. Id-dejn tat-taxxa paċut b’dan il-mod kien jammonta għal RON 337 492 864 (madwar EUR 76 miljun (7)). Ir-Rumanija fittxet ukoll kjarifika mingħand is-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ ħlas tal-ammont pendenti lil persuna fiżika (l-aħwa Viorel u Ioan Micula jew kwalunkwe persuna fiżika oħra li lilha tista’ tiġi assenjata t-talba).

(4)

Fit-12 ta’ Marzu 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu aktar informazzjoni mingħand ir-Rumanija dwar l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni ulterjuri previsti tad-Deċiżjoni, li r-Rumanija pprovdiet b’ittra tas-26 ta’ Marzu 2014.

(5)

Fl-1 ta’ April 2014, is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-awtoritajiet Rumeni dwar il-possibbiltà li tinħareġ inġunzjoni ta’ sospensjoni sabiex ikun assigurat li ma titħallas l-ebda għajnuna inkompatibbli ulterjuri mill-Istat u talbu l-kummenti tar-Rumanija dwar dan. B’ittra tas-7 ta’ April 2014, ir-Rumanija ddikjarat li ma xtaqitx tikkummenta dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni toħroġ inġunzjoni ta’ sospensjoni.

(6)

B’ittra tas-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija bid-deċiżjoni tagħha li toħroġ inġunzjoni ta’ sospensjoni (“l-inġunzjoni ta’ sospensjoni”) skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (8), li tobbliga lir-Rumanija tissospendi kwalunkwe azzjoni li tista’ twassal għall-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tal-parti tad-Deċiżjoni li kienet għadha ma tħallsitx, billi dak ikun jikkostitwixxi ħlas ta’ għajnuna illegali mill-Istat, sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

(7)

B’ittra datata l-1 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni infurmat lir-Rumanija li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat (“id-deċiżjoni ta’ ftuħ”) fir-rigward tal-implimentazzjoni parzjali tad-Deċiżjoni mir-Rumanija li seħħet fil-bidu tal-2014 (9) kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe implimentazzjoni jew eżekuzzjoni ulterjuri tad-Deċiżjoni.

(8)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10) fis-7 ta’ Novembru 2014. Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.

(9)

Ir-Rumanija ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ fis-26 ta’ Novembru 2014. Ir-rikorrenti ssottomettew kummenti bħala parti interessata fit-8 ta’ Diċembru 2014, wara r-rifjut, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-talba tagħhom biex ikollhom perjodu ta’ żmien itwal disponibbli sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Il-kummenti tar-rikorrenti ntbagħtu lir-Rumanija, li ngħatat l-opportunità biex tirreaġixxi; l-osservazzjonijiet tar-Rumanija dwar il-kummenti tar-rikorrenti waslu fis-27 ta’ Jannar 2015.

(10)

Ir-rikorrenti talbu aċċess ukoll għall-korrispondenza bil-miktub kollha bejn il-Kummissjoni u r-Rumanija li kien hemm fil-fajl tal-każ. It-talba kienet rifjutata fid-19 ta’ Diċembru 2014 u r-rifjut kien affermat fit-2 ta’ Marzu 2015.

(11)

B’ittri tad-9 u l-11 ta’ Marzu 2015, l-awtoritajiet Rumeni infurmaw lill-Kummissjoni li, fil-perjodu mill-5 ta’ Frar sal-25 ta’ Frar 2015, l-eżekutur maħtur mill-Qorti qabad ammont addizzjonali ta’ RON 9 197 482 mill-Ministeru tal-Finanzi u li sar ħlas volontarju tal-ammont li kien fadal (jiġifieri RON 466 760 066) (11), mill-Ministeru tal-Finanzi, f’kont imblukkat miftuħ f’isem il-ħames rikorrenti.

2.   SFOND

Il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli fir-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni

(12)

Fl-1 ta’ Frar 1995, daħal fis-seħħ il-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni (“EA”) bejn il-Komunità Ewropea (il-“Komunità”) u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra. (12) L-għan tal-EA kien li jipprepara lir-Rumanija għall-adeżjoni fl-Unjoni. L-Artikolu 64(1)(iii) tal-EA ddikjara bħala inkompatibbli mal-funzjonament xieraq tal-EA kwalunkwe għajnuna pubblika li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti sa fejn dawn jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Rumanija. Skont l-Artikolu 64(2) tal-EA, kwalunkwe prattika kuntrarja għal dan l-Artikolu kellha tiġi valutata “fuq il-bażi ta’ kriterji li joħorġu mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Artikoli 85, 86 u 92 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea” (issal-Artikoli 101, 102 u 107 tat-Trattat). Din ir-referenza dinamika għall-“kriterji li joħorġu mill-applikazzjoni tar-regoli” tirreferi għar-regoli kollha tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi dawk li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna reġjonali mill-Istat. (13) Minbarra l-obbligu sostantiv sabiex tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Artikoli 69 u 71 tal-EA obbligaw lir-Rumanija tarmonizza l-leġislazzjoni domestika tagħha mal-acquis communautaire, li jsemmi b’mod espliċitu d-dritt tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u b’hekk id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li jifforma parti minnu. Għalhekk, l-EA obbliga lir-Rumanija, u r-Rumanija impenjat ruħha li tikkonforma mal-korp kollu tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, l-EA kien parti mill-ordni legali domestiku wara li ġie ratifikat bil-liġi 20/1993 mill-Parlament nazzjonali u ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali nazzjonali fit-12 ta’ April 1993 (14).

(13)

Sabiex tikkonforma mal-obbligu ta’ armonizzazzjoni tagħha skont l-EA, ir-Rumanija għaddiet il-Liġi Nru 143/1999 dwar l-għajnuna mill-Istat (“liġi dwar l-għajnuna mill-Istat”) fl-1999, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000. Dik il-liġi kienet tinkludi l-istess definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat bħal dik kontenuta fl-Artikolu 64 tal-EA u skont id-dritt tal-Unjoni. Dik il-liġi ħatret ukoll lill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni (15) u lill-Uffiċċju Rumen għall-Kompetizzjoni (16) bħala l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat, responsabbli sabiex jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Rumanija lill-impriżi (17) u stabbiliet il-proċedura li għandha tiġi segwita għan-notifika u l-awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat li kienet immudellata fuq l-Artikolu 108 tat-Trattat.

L-iskema ta’ inċentivi għall-investiment

(14)

Fit-2 ta’ Ottubru 1998, ir-Rumanija ppromulgat l-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza 24/1998 (“EGO 24”), li tagħti lil ċerti investituri f’reġjuni żvantaġġati sensiela ta’ inċentivi, fosthom:

l-Artikolu 6(1)(a): eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji doganali u t-taxxa fuq il-valur miżjud fuq makkinarju, għodod, installazzjonijiet, tagħmir, mezzi tat-trasport, oġġetti oħra soġġetti għad-deprezzament li jiġu impurtati jew manifatturati domestikament bl-iskop li jsir investiment f’dak ir-reġjun (“Faċilità għall-Makkinarju”);

l-Artikolu 6(1)(b): rifużjonijiet tad-dazji doganali fuq materja prima, parts tal-bdil u/jew komponenti neċessarji sabiex tinkiseb il-produzzjoni proprja tal-investitur f’dak ir-reġjun (“Faċilità għall-Materja Prima”);

l-Artikolu 6(1)(c): eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq il-profitt matul il-perjodu li fih iż-żona rilevanti tkun ikklassifikata bħala reġjun żvantaġġat (“Faċilità għat-Taxxa fuq il-Profitt”).

(15)

Il-Gvern Rumen iddeċieda liema reġjuni għandhom jiġu kklassifikati bħala żvantaġġati u għal kemm żmien, sa massimu ta’ 10 snin. B’deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 1999, il-Gvern iddikjara ż-żona tal-minjieri ta’ Ștei-Nucet, fil-kontea ta’ Bihor, bħala reġjun żvantaġġat għal 10 snin, effettivi fl-1 ta’ April 1999.

(16)

Fil-15 ta’ Mejju 2000, il-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 244/2000, li fiha sab li diversi mill-inċentivi offruti taħt l-EGO 24 kienu jgħawġu l-kompetizzjoni. Huwa qies li l-“[e]żenzjoni mid-dazju doganali fuq il-materja prima hija kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat għal skopijiet operattivi … li twassal għal tfixkil tal-kompetizzjoni” u ddeċieda li “ir-rimborż tad-dazji doganali fuq il-materja prima impurtata, il-parts tal-bdil u/jew il-komponenti neċessarji għal skopijiet ta’ produzzjoni proprja fi ħdan żona … għandha titħassar”. Dik id-deċiżjoni kienet adottata b’riżultat tan-notifika mill-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp reġjonali (il-konċedent tal-għajnuna taħt l-EGO 24) lill-Kunsill għall-Kompetizzjoni, skont il-Liġi Nru 143/1999, tal-modifiki previsti fl-EGO 24 inklużi fl-abbozz ta’ Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza 75/2000 (“EGO 75”). Fost modifiki oħra nnotifikati, il-leġiżlatur Rumen ippreveda s-sostituzzjoni tar-rimborż tad-dazji doganali skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-EGO 24 (il-Faċilità għall-Materja Prima) b’eżenzjoni mid-dazji doganali fuq materja prima, parts tal-bdil u/jew komponenti impurtati neċessarji għal skopijiet ta’ produzzjoni proprja. Fid-Deċiżjoni Nru 244/2000, il-Kunsill għall-Kompetizzjoni ta awtorizzazzjoni kondizzjonali għall-abbozz tal-EGO 75, bil-kundizzjoni li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: (i) il-faċilitajiet skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-EGO 24 għandhom jiġu revokati u l-emenda prevista biex ir-rimborż tad-dazji doganali jiġi sostitwit b’eżenzjoni mid-dazji doganali għandha tiġi rtirata u (ii) l-emendi previsti fl-Artikolu 6(1)(c) tal-EGO 24 (il-Faċilità għat-Taxxa fuq il-Profitt) ikunu limitati biss għall-profitt li jerġa’ jiġi investit.

(17)

Fl-1 ta’ Lulju 2000, daħlet fis-seħħ l-EGO 75. Madankollu, l-EGO 75, kif adottata, ma kinitx tikkonforma mal-kundizzjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni sabiex tirrevoka l-Faċilità għall-Materja Prima u sabiex tirtira l-emenda prevista għaliha. Minflok, hija emendat l-Artikolu 6(1)(b) tal-EGO 24 billi ssostitwiet ir-rifużjoni fuq id-dazji doganali taħt il-Faċilità għall-Materja Prima b’eżenzjoni fuq id-dazji doganali fuq il-materja prima impurtata bi ksur dirett tad-Deċiżjoni Nru 244/2000.

(18)

Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni sfida n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, li madankollu warrbet l-applikazzjoni fis-26 ta’ Jannar 2001 bħala inammissibbli (18). L-inammissibbiltà kienet ibbażata fuq il-fatt li l-EGO 75 kienet ikkunsidrata bħala miżura leġislattiva u mhux amministrattiva, li l-Kunsill għall-Kompetizzjoni ma setax jikkontesta l-legalità tagħha skont il-Liġi Nru 143/1999 u li kwalunkwe kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet legali kellu jiġi solvut mill-gvern u l-Parlament mingħajr interferenza mill-qrati. Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni tal-Ġustizzja tar-Rumanija ċaħdet l-appell tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tad-19 ta’ Frar 2002 bħala inammissibbli għal raġunijiet simili (19).

(19)

Fi Frar 2000, ir-Rumanija bdiet it-taħditiet għall-adeżjoni fl-Unjoni. Il-politika dwar il-kompetizzjoni, li tinkludi l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, kienet tifforma parti minn dawk in-negozjati. Fil-kuntest ta’ dawk in-negozjati, il-Pożizzjoni Komuni tal-Unjoni tal-21 ta’ Novembru 2001 innotat li “hemm numru ta’ skemi ta’ għajnuna inkompatibbli eżistenti kif ukoll ġodda li ma nġabux konformi mal-acquis”, inklużi “faċilitajiet ipprovduti taħt l-[EGO 24 u l-EGO 75]” (20).

(20)

Fil-31 ta’ Awwissu 2004, ir-Rumanija ħassret l-inċentivi kollha pprovduti taħt l-EGO 24, kif emendata bl-EGO 75, ħlief il-Faċilità għat-Taxxa fuq il-Profitt. Ir-revoka tal-inċentivi skont l-EGO 24 daħlet fis-seħħ fit-22 ta’ Frar 2005. Ir-rapport li jakkumpanja l-att li jħassar l-EGO 24, kif emendat bl-EGO 75, spjega: “Sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji fir-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat, u anki sabiex jitlestew in-negozjati skont il-Kapitolu Nru 6 – Politika dwar il-Kompetizzjoni, huwa neċessarju li jiġu eliminati l-forom kollha ta’ għajnuna mill-Istat fil-leġislazzjoni nazzjonali li mhumiex kompatibbli mal-acquis communautaire f’dan il-qasam u, f’dan ir-rigward, huwa propost li jitneħħew […] id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 paragrafu (1), l-ittra (b), l-ittra (d) u l-ittra (e) tal-Ordinanza Governattiva ta’ Emerġenza Nru 24/1998 dwar iż-żoni żvantaġġati […]” (21).

L-investimenti mir-rikorrenti u l-proċedimenti tal-arbitraġġ tal-ICSID

(21)

Ir-rikorrenti għamlu ċerti investimenti fiż-żona ta’ Ștei-Nucet, Kontea ta’ Bihor, ir-Rumanija, fil-bidu tas-snin 2000. Fl-1 ta’ Ġunju 2000, S.C. European Food S.A. kisbet ċertifikat ta’ investitur permanenti, filwaqt li S.C. Starmill S.R.L. u S.C. Multipack kisbu ċ-ċertifikati ta’ investitur permanenti (“PIC”) tagħhom fis-17 ta’ Mejju 2002, u b’hekk dawk il-kumpaniji saru eliġibbli sabiex jibbenefikaw mill-iskema stabbilita bl-EGO 24, kif emendata bl-EGO 75, għall-investimenti magħmula minnhom minn dawk id-dati ‘l quddiem fir-reġjun ta’ Ștei-Nucet, kontea ta’ Bihor, fir-Rumanija.

(22)

Fl-2003, ir-Rumanija u l-Isvezja kkonkludew il-BIT, li ta lill-investituri ta’ kull pajjiż (inkluż għall-investimenti li jkunu għamlu qabel id-dħul fis-seħħ tal-BIT (22)) ċerti protezzjonijiet meta jinvestu fil-pajjiż l-ieħor. Fost affarijiet oħra, il-BIT iggarantixxa t-trattament ġust u ekwu tal-investimenti koperti fl-Istat ospitanti, li ġie interpretat bħala li jinkludi wkoll il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-investituri. Huwa kien jippermetti wkoll lill-investituri li jibdew proċedimenti quddiem tribunal tal-arbitraġġ internazzjonali jekk iħossu li d-drittijiet tagħhom skont il-BIT ġew miksura mill-Istat ospitanti. Billi l-aħwa Micula għandhom ċittadinanza Svediża, huma sostnew li l-investimenti tagħhom fir-Rumanija kienu koperti mill-BIT.

(23)

Fit-28 ta’ Lulju 2005, u b’reazzjoni għar-revoka tal-inċentivi għall-investiment taħt l-EGO 24, ir-rikorrenti talbu l-istabbiliment ta’ tribunal tal-arbitraġġ skont id-dispożizzjonijiet tal-BIT għas-soluzzjoni ta’ tilwim. B’deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2008, it-Tribunal sab li t-talbiet tar-rikorrenti kienu ammissibbli. Ir-rikorrenti inizjalment kienu talbu l-istabbiliment mill-ġdid tal-inċentivi għall-investiment skont l-EGO 24 li kienu ġew revokati mit-22 ta’ Frar 2005. Madankollu, matul il-proċedimenti, ir-rikorrenti rtiraw parzjalment it-talba tagħhom fl-2009 u minflok talbu kumpens għad-danni li rriżultaw mir-revoka tal-inċentivi skont l-EGO 24. Ir-rikorrenti allegaw li, bir-revoka tal-inċentivi, ir-Rumanija kienet kisret l-aspettattivi leġittimi tagħhom li dawk l-inċentivi jkunu disponibbli, fis-sustanza, sal-1 ta’ April 2009. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, ir-Rumanija kienet kisret l-obbligu tagħha ta’ trattament ġust u ekwu dovut lilhom bħala investituri Svediżi skont l-Artikolu 2(3) tal-BIT.

(24)

Matul il-proċedimenti tal-arbitraġġ, il-Kummissjoni intervjeniet bħala amicus curiae. Fl-intervent tagħha, ippreżentat fl-20 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni spjegat li l-inċentivi skont l-EGO 24 kienu: “inkompatibbli mar-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna reġjonali. B’mod partikolari, l-inċentivi ma kinux jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-liġi Komunitarja rigward l-ispejjeż eliġibbli u l-intensitajiet tal-għajnuna. Barra minn hekk, il-faċilitajiet kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja, li hija pprojbita bir-regoli dwar l-għajnuna reġjonali”.

(25)

Il-Kummissjoni osservat ukoll li “kwalunkwe deċiżjoni li terġa’ tistabbilixxi l-privileġġi aboliti mir-Rumanija, jew li tikkumpensa lir-rikorrenti għat-telf ta’ dawk il-privileġġi, twassal għall-għoti ta’ għajnuna ġdida li ma tkunx kompatibbli mat-Trattat tal-KE”. Hija avżat ukoll lit-Tribunal li l-“eżekuzzjoni ta’ [kwalunkwe deċiżjoni li titlob li r-Rumanija terġa’ tistabbilixxi skemi ta’ investiment li nstabu li mhumiex kompatibbli mas-suq intern matul in-negozjati tal-adeżjoni] għalhekk ma tistax isseħħ jekk din tmur kontra r-regoli tal-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat”.

(26)

Fid-Deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013, it-Tribunal sab li bir-revoka tal-inċentivi skont l-EGO 24, ir-Rumanija “kisret l-aspettattivi leġittimi tar-Rikorrenti fir-rigward tad-disponibbiltà tal-inċentivi skont l-EGO 24” sal-1 ta’ April 2009. (23) It-Tribunal ikkonkluda wkoll li, bl-eċċezzjoni taż-żamma tal-obbligi tal-investituri skont l-EGO 24 wara r-revoka tal-inċentivi rilevanti, “Ir-revoka tal-inċentivi min-naħa tar-Rumanija kienet azzjoni raġonevoli fl-insegwiment ta’ politika razzjonali.” (24) Madankollu, it-Tribunal kompla jiddikjara li (25): “Din il-konklużjoni ma tnaqqasx mill-argument tat-Tribunal […] aktar ‘il fuq li r-Rumanija mminat l-aspettattivi leġittimi tar-Rikorrenti fir-rigward tad-disponibbiltà kontinwa tal-inċentivi sal-1 ta’ April 2009. Minħabba f’hekk, l-azzjonijiet tar-Rumanija, għalkemm fil-biċċa l-kbira kienu xierqa u mfassla b’mod strett sabiex tiġi segwita politika razzjonali, ma kinux ġusti jew ekwi fir-rigward tar-Rikorrenti.”

It-Tribunal ikkonkluda l-analiżi tiegħu billi ddikjara li (26): “[B]ir-revoka tal-inċentivi skont l-EGO 24 qabel l-1 ta’ April 2009, ir-Rumanija ma aġixxietx b’mod mhux raġonevoli jew b’mala fede (ħlief li r-[Rumanija] aġixxiet b’mod mhux raġonevoli billi żammet l-obbligi tal-investituri wara li tterminat l-inċentivi). It-Tribunal, madankollu, jikkonkludi b’maġġoranza li r-Rumanija kisret l-aspettattivi leġittimi tar-Rikorrenti li dawk l-inċentivi kienu se jkunu disponibbli, sostanzjalment fl-istess forma, sal-1 ta’ April 2009. Ir-Rumanija naqset ukoll li taġixxi b’mod trasparenti billi naqset milli tinforma fil-ħin lir-Rikorrenti li r-reġim kien se jiġi tterminat qabel id-data ta’ skadenza ddikjarata tiegħu. Minħabba f’hekk, it-Tribunal isib li r-Rumanija naqset milli “tassigura trattament ġust u ekwu tal-investimenti” tar-Rikorrenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tal-BIT”.

(27)

It-Tribunal iddeċieda wkoll li r-Rumanija kellha tħallas id-danni lir-rikorrenti (27). B’kollox, it-Tribunal ta lir-rikorrenti RON 376 433 229 flimkien mal-imgħax. Id-danni huma komposti kif ġej: it-Tribunal sab li r-Rumanija kellha tħallas RON 85,1 miljun (28) lir-rikorrenti f’danni għaż-żieda fil-prezz taz-zokkor (li għall-importazzjoni tiegħu r-rikorrenti kellhom iħallsu dazji doganali wara r-revoka tal-Faċilità għall-Materja Prima), RON 17,5-il miljun (29) f’danni għaż-żieda fil-prezz ta’ materja prima għajr iz-zokkor u l-PET (30), RON 18,1-il miljun (31) f’danni għat-telf tal-abilità li jaħżnu għal quddiem iz-zokkor bi prezzijiet aktar baxxi, u RON 255,7 miljun (32) f’danni għall-profitt mitluf li jirriżulta mill-bejgħ mitluf ta’ prodotti lesti. Barra minn hekk, it-Tribunal ordna lir-Rumanija tħallas imgħax (ROBOR u 5 %), ikkalkulat mill-1 ta’ Marzu 2007 fir-rigward taż-żieda fil-prezz taz-zokkor u materja prima oħra, mill-1 ta’ Novembru 2009 fir-rigward tat-telf tal-abilità li jaħżnu iz-zokkor għal quddiem, u mill-1 ta’ Mejju 2008 fir-rigward tal-profitti mitlufa. Fid-data tad-Deċiżjoni, il-prinċipal u l-imgħax dovuti lir-rikorrenti kienu jammontaw għal RON 791 882 452, kif jidher fit-Tabella.

Danni u mgħax kif mogħtija lir-rikorrenti bid-Deċiżjoni

Danni mogħtija

Ammont (f’RON)

Imgħax ikkalkulat minn

Żieda fil-prezz taz-zokkor

85 100 000

fl-1 ta’ Marzu 2007.

Żieda fil-prezz ta’ materja prima għajr iz-zokkor jew il-PET

17 500 000

fl-1 ta’ Marzu 2007.

Opportunità mitlufa li jaħżnu z-zokkor għal quddiem

18 133 229

fl-1 ta’ Novembru 2009.

Profitti mitlufa fuq il-bejgħ ta’ prodotti lesti

255 700 000

fl-1 ta’ Mejju 2008.

TOTAL

376 433 229

Total li jinkludi l-imgħax fil-11 ta’ Diċembru 2013:

RON 791 882 452

Il-Proċedimenti ta’ Annullament tal-ICSID

(28)

Fit-18 ta’ April 2014, ir-Rumanija ppreżentat applikazzjoni għall-annullament tad-Deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni dwar is-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investimenti bejn l-Istati u ċ-Ċittadini ta’ Stati Oħra tat-18 ta’ Marzu 1965 (“Konvenzjoni dwar l-ICSID”) quddiem kumitat ad hoc. Minħabba r-regoli proċedurali applikabbli għal dawk il-proċedimenti, ir-Rumanija ma pprovdietx lill-Kummissjoni l-applikazzjoni tagħha. Madankollu, deher ċar li fl-applikazzjoni tagħha, ir-Rumanija talbet ukoll lill-kumitat ad hoc jordna s-sospensjoni tal-infurzar tad-Deċiżjoni sakemm il-kumitat jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għall-annullament. B’ittra tat-18 ta’ Awwissu 2014, ir-Rumanija infurmat lill-Kummissjoni li b’ordni tas-7 ta’ Awwissu 2014, il-kumitat ad hoc issospenda l-infurzar tad-Deċiżjoni bil-kundizzjoni li r-Rumanija tiddepożita, fi żmien xahar, l-assigurazzjonijiet li ġejjin: “Ir-Rumanija timpenja ruħha mingħajr kundizzjonijiet (inklużi dawk relatati mal-Liġi jew deċiżjonijiet tal-[UE]) li tagħmel il-pagament sħiħ tal-obbligu finanzjarju tagħha impost bid-Deċiżjoni fil-Kawża tal-ICSID Nru ARB/05/20 - u dovut lir-Rikorrenti - sakemm id-Deċiżjoni ma tkunx annullata - wara n-notifika tad-Deċiżjoni dwar l-annullament”.

(29)

Fuq talba tar-Rumanija, il-Kummissjoni spjegat lir-Rumanija li hija ma setgħetx tipprovdi l-impenn inkondizzjonat li se tħallas il-kumpens mogħti lir-Rikorrenti skont id-Deċiżjoni anki jekk dak kien jinvolvi ksur tal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni u irrispettivament minn kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni. Ir-Rumanija wieġbet f’dan ir-rigward lill-kumitat ad hoc li neħħa s-sospensjoni tal-infurzar tad-Deċiżjoni mis-7 ta’ Settembru 2014.

(30)

Fil-15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ssottomettiet applikazzjoni lill-kumitat ad hoc għall-awtorizzazzjoni biex tintervjeni bħala parti mhux litiganti fil-proċedimenti ta’ annullament. L-awtorizzazzjoni biex tintervjeni ngħatat mill-kumitat ad hoc fl-4 ta’ Diċembru 2014 u l-Kummissjoni ssottomettiet is-sommarju tal-fatti amicus curiae tagħha f’dawk il-proċedimenti fid-9 ta’ Jannar 2015.

L-Azzjonijiet tar-Rikorrenti għar-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni fil-Qrati Rumeni u tal-Istati Uniti

(31)

L-awtoritajiet Rumeni infurmaw ukoll lis-servizzi tal-Kummissjoni dwar il-proċedimenti nazzjonali introdotti mir-rikorrenti sabiex jinfurzaw id-deċiżjoni. Fi Frar 2014, Viorel Micula l-ewwel introduċa l-proċedimenti tal-qorti bil-għan li tiġi rikonoxxuta d-deċiżjoni abbażi tal-Kodiċi Ċivili Proċedurali Ġdid (l-Artikoli 1124-1132) (33). Fis-7 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni intervjeniet f’dawk il-proċedimenti skont l-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Madankollu, Viorel Micula rtira l-azzjoni tiegħu fit-28 ta’ Mejju 2014 u għalhekk ma ngħatat l-ebda sentenza. B’mod separat, fit-18 ta’ Marzu 2014, l-erba’ rikorrenti l-oħra (S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., S.C. Multipack, u s-Sur Ion Micula) bdew proċedimenti tal-qorti fir-Rumanija bil-għan li tiġi infurzata d-Deċiżjoni skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID li titlob il-ħlas ta’ 80 % tal-ammont pendenti (jiġifieri RON 301 146 583) u l-imgħax korrispondenti.

(32)

Fl-24 ta’ Marzu 2014, it-Tribunal ta’ Bukarest ippermetta l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni kif mitlub mill-erba’ rikorrenti fid-dawl tal-fatt li, fuq il-bażi tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID li kienet ratifikata mir-Rumanija u hija parti mill-ordni legali domestiku, id-Deċiżjoni hija att direttament infurzabbli u trid tiġi ttrattata bħala sentenza domestika finali, u b’hekk elimina l-bżonn tal-proċedura għar-rikonoxximent tad-Deċiżjoni fuq il-bażi tal-Kodiċi Ċivili Proċedurali Ġdid Rumen (l-Artikoli 1123-1132) (34). Fit-30 ta’ Marzu 2014, eżekutur beda l-proċedura tal-infurzar billi ta lill-Ministeru tal-Finanzi Rumen skadenza ta’ 6 xhur biex iħallas lill-erba’ rikorrenti 80 % tad-Deċiżjoni flimkien mal-imgħax u spejjeż oħra.

(33)

Ir-Rumanija kkontestat l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni quddiem it-Tribunal ta’ Bukarest u talbet għal miżuri interim, jiġifieri s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni sakemm il-Kawża tkun ġiet deċiża fuq il-merti tagħha. (35) Fl-14 ta’ Mejju 2014, il-Qorti ta’ Bukarest issospendiet temporanjament l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-merti tal-oġġezzjoni tar-Rumanija u t-talba sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni. Fis-26 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni intervjeniet f’dawk il-proċedimenti skont l-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Il-Kummissjoni stiednet lit-Tribunal ta’ Bukarest sabiex jissospendi u jħassar l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni. B’mod alternattiv, il-Kummissjoni stiednet lit-Tribunal ta’ Bukarest biex jirreferi mistoqsija preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“QtĠ-UE”).

(34)

Fit-23 ta’ Settembru 2014, it-Tribunal ta’ Bukarest, fil-Kawża dwar il-miżuri interim, neħħa s-sospensjoni u ċaħad it-talba tar-Rumanija għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni. Ir-raġuni ewlenija għal dak ir-rifjut kienet it-tneħħija tas-sospensjoni tal-infurzar tad-Deċiżjoni mill-kumitat ad hoc tal-ICSID fis-7 ta’ Settembru 2014 (ara l-premessa 29). Fit-30 ta’ Settembru 2014, ir-Rumanija ddeċidiet li tappella mid-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Bukarest tat-23 ta’ Settembru 2014 (36). Fit-13 ta’ Ottubru 2014, it-Tribunal ta’ Bukarest irrifjuta t-talba biex jibgħat mistoqsijiet preliminari lill-QtĠ-UE fuq il-bażi tal-Artikolu 267 tat-Trattat. Fis-17 ta’ Ottubru 2014, fl-isfond tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2014 li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-kuntest tal-Kawża Nru 15755/3/2014 quddiem it-Tribunal ta’ Bukarest, ir-Rumanija reġgħet talbet miżuri interim fil-forma tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni.

(35)

Minkejja l-obbligu tal-awtoritajiet kollha Rumeni, inkluża l-ġudikatura, sabiex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2014 u tal-1 ta’ Ottubru 2014, l-eżekutur maħtur mit-Tribunal ta’ Bukarest ħareġ ordnijiet fil-31 ta’ Ottubru 2014 sabiex jinqabdu l-kontijiet tal-Ministeru tal-Finanzi tar-Rumanija u titfittex l-eżekuzzjoni ta’ 80 % tad-Deċiżjoni. B’riżultat tal-ittri ta’ sekwestru maħruġa mill-eżekutur, xi partijiet mill-kontijiet bankarji u tat-teżor tal-istat tal-Ministeru tal-Finanzi bħalissa huma ffriżati.

(36)

Fl-24 ta’ Novembru 2014, it-Tribunal ta’ Bukarest irrifjuta wkoll l-azzjoni prinċipali tar-Rumanija kontra l-ordni ta’ eżekuzzjoni tal-24 ta’ Marzu 2014, inkluża t-talba għall-miżuri interim tas-17 ta’ Ottubru 2014. Fl-14 ta’ Jannar 2015, ir-Rumanija appellat mid-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Bukarest (37). Fl-24 ta’ Frar 2015, il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest neħħiet id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Bukarest tat-23 ta’ Settembru 2014 u ssospendiet l-eżekuzzjoni sakemm jiġi deċiż l-appell kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Bukarest tal-24 ta’ Novembru 2014. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tfittex l-awtorizzazzjoni biex tintervjeni f’dawk il-proċedimenti tal-appell fuq il-bażi tal-Artikolu 23a(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

(37)

Fil-5 ta’ Jannar 2015, l-eżekutur maħtur mill-Qorti qabad RON 36 484 232 (madwar EUR 8,1 miljun (38)) mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Rumanija. Minn din is-somma, l-eżekutur suċċessivament ittrasferixxa RON 34 004 232 (madwar EUR 7,56 miljun) f’partijiet indaqs lil tlieta mill-ħames rikorrenti, u żamm il-bqija bħala kumpens għall-ispejjeż tal-eżekuzzjoni. Bejn il-5 ta’ Frar u l-25 ta’ Frar 2015, l-eżekutur maħtur mill-Qorti qabad RON 9 197 482 (madwar EUR 2 miljun) (39) oħra mill-Ministeru tal-Finanzi. Fid-9 ta’ Marzu 2015, il-Ministeru tal-Finanzi ttrasferixxa b’mod volontarju l-ammont li kien fadal ta’ RON 472 788 675 (madwar EUR 106,5 miljun (40)) (inklużi l-ispejjeż tal-eżekutur maħtur mill-Qorti li kienu jammontaw għal RON 6 028 608) f’kont imblukkat f’isem il-ħames rikorrenti biex jimplimenta d-Deċiżjoni. Madankollu, il-ħames rikorrenti jistgħu jiġbdu l-flus biss jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija fuq il-bażi tad-Deċiżjoni tkun kompatibbli mas-suq intern.

(38)

Il-Kummissjoni skopriet ukoll li s-Sur Viorel Micula beda wkoll azzjoni kontra r-Rumanija quddiem il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia (41). Dak il-każ huwa pendenti. Il-Kummissjoni beħsiebha tapplika għall-awtorizzazzjoni biex tippreżenta sommarju tal-fatti amicus curiae f’dawk il-proċedimenti. Is-Sur Viorel Micula beda wkoll aktar proċedimenti ta’ infurzar kontra r-Rumanija quddiem il-qrati Rumeni fit-3 ta’ Ottubru 2014, iżda dik it-talba kienet rifjutata mit-Tribunal ta’ Bukarest fit-3 ta’ Novembru 2014.

3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA U RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

Deskrizzjoni tal-Miżura

(39)

Il-miżura li qed tiġi valutata hija l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti bis-saħħa tad-Deċiżjoni, bl-implimentazzjoni jew bl-eżekuzzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, flimkien mal-imgħax li akkumula minn meta nħarġet dik id-Deċiżjoni.

(40)

Kif innotat fil-premessa 3, ir-Rumanija diġà ħallset b’mod parzjali dak il-kumpens fil-bidu tal-2014 billi paċiet id-djun tat-taxxa dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, S.C. European Food S.A., lill-Istat Rumen. Id-djun tat-taxxa paċuti b’dan il-mod jammontaw għal RON 337 492 864 (madwar EUR 76 miljun (42)).

(41)

Kif innotat fil-premessa 37, l-eżekutur maħtur mill-qorti qabad RON 45 681 714 (madwar EUR 10,17 miljun (43)) mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Rumanija biex jesegwixxi d-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Rumeni ttrasferew l-ammont li kien fadal ta’ RON 472 788 675 (madwar EUR 106,5 miljun (44)) (inklużi l-ispejjeż tal-eżekutur maħtur mill-qorti li jammontaw għal RON 6 028 608) f’kont imblukkat f’isem il-ħames rikorrenti.

(42)

Skont l-awtoritajiet Rumeni, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ kienet implimentata b’mod sħiħ.

Raġunijiet għall-bidu tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali

(43)

Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Din il-konklużjoni preliminari hija bbażata fuq is-sejbiet preliminari li:

il-ħames rikorrenti jikkostitwixxu unità ekonomika waħda li trid tiġi kwalifikata bħala impriża;

il-pagament tal-kumpens mogħti jagħti lir-rikorrenti vantaġġ ekonomiku mhux disponibbli b’mod ieħor fis-suq;

il-preżenza ta’ vantaġġ mhijiex prekluża mill-fatt li l-kumpens mogħti mit-Tribunal huwa indikat bħala kumpens għad-danni, billi d-Deċiżjoni ma taqax fl-ambitu tal-ġurisprudenza Asteris li tiddistingwi d-danni mill-għajnuna mill-Istat;

il-vantaġġ mogħti huwa selettiv, billi r-rikorrenti biss se jibbenefikaw mill-miżura;

il-vantaġġ huwa mogħti minn riżorsi tal-Istat, billi l-ħlasijiet rilevanti se jsiru mill-baġit tal-Istat, u d-deċiżjoni li jingħata l-vantaġġ hija imputabbli lir-Rumanija, irrispettivament minn jekk ir-Rumanija implimentatx id-Deċiżjoni b’mod volontarju jew fuq ordni ta’ qorti;

il-ħlas tal-kumpens mogħti lir-rikorrenti jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(44)

Il-Kummissjoni mbagħad stabbiliet li l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’dan il-każ ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi protetti bl-Artikolu 351 tat-Trattat. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-ħlas tal-kumpens lir-rikorrenti jkun jikkostitwixxi għajnuna ġdida, billi l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni jseħħu wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, u li ma kienx importanti li xi wħud mill-ispejjeż li l-miżura de facto tirrimborża kienu mġarrba mir-rikorrenti qabel l-adeżjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, ma jkunx kompatibbli mas-suq intern, billi ma jissodisfax il-kundizzjonijiet applikabbli tal-kompatibbiltà għall-għajnuna reġjonali.

4.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA

(45)

Ir-Rumanija l-ewwel nett tirrimarka li, skont l-Artikolu 54(1) tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, li r-Rumanija saret parti fiha fl-1975, kull Stat parti “għandu jirrikonoxxi deċiżjoni mogħtija skont din il-Konvenzjoni bħala vinkolanti u jinforza l-obbligi finanzjarji imposti b’dik id-deċiżjoni fi ħdan it-territorji tiegħu daqs li kieku kienet sentenza finali ta’ qorti f’dak l-Istat”. Ir-Rumanija targumenta li l-konsegwenza ta’ din il-klawsola hija li kull Stat parti għandu obbligu li jirrikonoxxi u jinforza deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-ICSID li l-eżekuzzjoni tagħha ma tkunx ġiet sospiża skont ir-regoli tal-Konvenzjoni dwar l-ICSID, u meta ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ appell kontra tali deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali.

(46)

It-tieni, ir-Rumanija tisħaq li l-gvern Rumen huwa marbut li jikkonforma mal-kostituzzjoni Rumena, li tipprojbih milli jinfluwenza b’mod mhux xieraq lill-imħallfin nazzjonali rigward il-kwistjoni ta’ jekk jinfurzawx jew le d-Deċiżjoni. Hija tisħaq li l-qorti nazzjonali ddeċidiet b’mod awtonomu li d-diversi atti maħruġa mill-Kummissjoni fl-2014 ma setgħux jissospendu l-infurzar tad-Deċiżjoni skont il-liġi Rumena. Ir-Rumanija targumenta wkoll li, filwaqt li skont il-kostituzzjoni Rumena, id-dritt tal-Unjoni ġeneralment jieħu preċedenza fuq il-liġi nazzjonali Rumena (ordinarja), id-dritt tal-Unjoni ma jistax jannulla l-kostituzzjoni Rumena nnifisha.

(47)

It-tielet, ir-Rumanija ssostni li l-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti m’għandux jiġi ttrattat bħala għajnuna ġdida mhux kompatibbli, iżda bħala kumpens għad-danni fis-sens tal-ġurisprudenza Asteris. Ir-Rumanija toġġezzjona, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza Lucchini għall-każ preżenti, fejn targumenta li l-isfond fattwali jiddistingwi l-każ preżenti minn dak li l-QtĠ-UE ddeċidiet dwaru f’Lucchini  (45).

(48)

Fl-aħħar nett, ir-Rumanija tenfasizza ripetutament il-kunflitt ikkonfermat fil-każ preżenti bejn l-obbigi tar-Rumanija skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID u skont id-dritt tal-Unjoni. Hija ssostni li sakemm ikun ġie stabbilit f’livell tal-ICSID jekk għandhiex tieħu preċedenza l-Konvenzjoni dwar l-ICSID jew id-dritt tal-Unjoni, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-ICSID m’għandhomx jitqiesu bħala li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat.

5.   KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

(49)

L-unika parti interessata li ssottomettiet osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ kienu r-rikorrenti fil-proċedimenti tal-arbitraġġ li wasslu għad-Deċiżjoni. Ir-rikorrenti jikkontestaw is-sejbiet preliminari kontenuti fid-deċiżjoni ta’ ftuħ. B’mod partikolari, huma jagħmlu osservazzjonijiet rigward (i) l-isfond tal-każ u (ii) l-allegata deskrizzjoni skorretta tal-miżura; huma jargumentaw li (iii) ma hemm l-ebda kunflitt bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-BITs intra-UE; huma jsostnu li (iv) l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat jew (v) għall-inqas mhux għajnuna ġdida; huma jsostnu li jekk tkun ikkaratterizzata bħala għajnuna (vi) l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tkun għajnuna kompatibbli; huma jsostnu li (vii) il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tadotta deċiżjoni negattiva; u fl-aħħar nett jargumentaw li (viii) il-Kummissjoni trid tieħu passi sabiex tinvolvi b’mod xieraq lir-rikorrenti fil-proċedura tal-investigazzjoni.

Rigward l-isfond tal-każ

(50)

Ir-rikorrenti jispjegaw li wara l-waqgħa tar-reġim komunista fl-1989, ir-Rumanija sabet ruħha fi stat ta’ privazzjoni ekonomika kbira. Is-sitwazzjoni kienet tali li meta r-Rumanija bdiet il-proċess tal-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea fl-1995, hija kienet ‘il bogħod milli tissodisfa l-kriterji tal-adeżjoni fl-Unjoni. Sabiex jaċċellera l-iżvilupp ekonomiku u jnaqqas id-differenzi reġjonali, il-gvern Rumen stabbilixxa qafas għall-iżvilupp reġjonali u ftit wara adotta l-EGO 24 biex jinċentiva l-investimenti mis-settur privat f’reġjuni żvantaġġati. L-inċentivi tal-EGO 24 kienu mmirati biss għal investituri li joħolqu impjiegi fl-aktar reġjuni żvantaġġati f’wieħed mill-iżjed pajjiżi foqra fl-Ewropa. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jenfasizzaw b’mod partikolari li l-EGO 24 mhux biss ipprovdiet vantaġġi lill-investituri, iżda imponiet ukoll obbligi, bħall-obbligu li joħolqu l-impjiegi u jimpjegaw ħaddiema li qabel kienu qiegħda, jiżviluppaw u jipproduċu materjali ġodda f’reġjun żvantaġġat, iżommu l-uffiċċju prinċipali tal-kumpaniji stabbiliti ġodda fir-reġjun żvantaġġat, u l-obbligu li japplikaw għal u jirċievu PIC.

(51)

Ir-rikorrenti jispjegaw ukoll li l-kumpaniji tagħhom kisbu PICs bejn is-sena 2000 u l-2002 talli investew fil-Kontea ta’ Bihor. Skont it-termini ta’ dawk il-PICs, li kienu validi sal-1 ta’ April 2009, ir-rikorrenti impenjaw ruħhom li jżommu l-investimenti tagħhom għad-“doppju tal-perjodu taż-żmien li fih [ir-rikorrenti] kienu jgawdu l-vantaġġi” stabbiliti bl-EGO 24. Permezz tal-investimenti tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li ħolqu madwar 9 000 impjieg ġdid, li 7 000 minnhom għadhom jeżistu sal-lum. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-investimenti tagħhom wasslu għal effetti konsegwenzjali sinifikanti fir-reġjun. Il-konklużjoni li r-rikorrenti jiġbdu minn dawn l-osservazzjonijiet hija li permezz tal-investimenti tagħhom, huma kkontribwew sabiex itaffu t-tbatija kkawżata mill-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena fir-reġjun tal-Kontea ta’ Bihor u tejbu l-kwalità tal-ħajja f’dak ir-reġjun.

(52)

Rigward il-liġijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li kien hemm fis-seħħ fir-Rumanija qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni, ir-rikorrenti jargumentaw li billi l-EGO 24 kienet stabbilita qabel daħlet fis-seħħ il-Liġi Nru 143/1999, l-EGO 24 kienet għajnuna eżistenti għall-finijiet ta’ dik il-liġi u ma kellhiex għalfejn tiġi awtorizzata mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni. Ir-rikorrenti jfakkru wkoll li filwaqt li l-Kunsill għall-Kompetizzjoni pprova jirrikuża l-EGO 75 fil-qrati Rumeni, huwa ma kkontestax il-kompatibbiltà tal-EGO 24 mal-Liġi Nru 143/1999. Ir-rikorrenti jfakkru wkoll li, bl-eċċezzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE tal-21 ta’ Novembru 2001, l-ebda dikjarazzjoni maħruġa mill-Unjoni matul il-proċess tal-adeżjoni ma identifikat b’mod speċifiku l-EGO 24 bħala problematika mill-perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat.

(53)

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li kwalunkwe nuqqas ta’ implimentazzjoni sħiħa tad-Deċiżjoni, jew l-irkupru tal-parti li diġà ġiet implimentata permezz tat-tpaċija tad-djun tat-taxxa tar-rikorrenti kontra l-kumpens dovut, ikun diżastruż għar-rikorrenti u r-reġjun, billi jipperikola eluf ta’ impjiegi u jdawwar lura l-iżvilupp ekonomiku li seħħ fir-reġjun.

Rigward id-deskrizzjoni tal-miżura

(54)

Ir-rikorrenti jargumentaw li d-deċiżjoni ta’ ftuħ mhijiex konsistenti meta tidentifika l-miżura rilevanti. B’referenza għall-premessi 25 u 26 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ir-rikorrenti jisħqu li, filwaqt li l-Kummissjoni tgħid li qiegħda tinvestiga biss l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, fir-realtà hija qiegħda tikkontesta l-iskema sottostanti tal-EGO 24. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, fi kwalunkwe każ, qatt ma ġie stabbilit b’mod validu li l-EGO 24 kienet tammonta għal għajnuna inkompatibbli mill-Istat.

(55)

Filwaqt li jsostnu wkoll li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma tikkaratterizzax sewwa d-Deċiżjoni, ir-rikorrenti jargumentaw li d-Deċiżjoni tat kumpens biss għad-danni li jirriżultaw mill-ksur tal-BIT min-naħa tar-Rumanija u ma tirreplikax il-benefiċċji tal-EGO 24. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, it-Tribunal ma tax kumpens għar-revoka qabel iż-żmien tal-inċentivi tal-EGO 24 per se, iżda pjuttost li l-miżuri li nstabu li qegħdin jiksru l-BIT huma li r-Rumanija aġixxiet b’mod mhux raġonevoli billi (i) żammet sħiħ l-obbligu tal-investitur skont l-EGO 24 minkejja li rrevokat tista’ tgħid il-benefiċċji kollha tagħha, (ii) billi mminat l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward tad-disponibbiltà kontinwa tal-inċentivi skont l-EGO 24, u (iii) billi ma kinitx trasparenti biżżejjed mar-rikorrenti.

(56)

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni ta’ ftuħ hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li l-EGO 24 kienet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli, u li din is-suppożizzjoni hija difettuża minħabba li l-kompatibbiltà tal-EGO 24 bħala għajnuna reġjonali qatt ma ġiet determinata b’mod validu.

Rigward in-nuqqas ta’ kunflitt bejn ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-BITs intra-UE

(57)

B’referenza għall-premessi 51 sa 55 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ir-rikorrenti jsostnu li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jittrattaw l-obbligi tal-Istati Membri skont il-liġi internazzjonali, mhumiex rilevanti f’dan il-każ billi ma hemm l-ebda kunflitt bejn id-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-BIT. Essenzjalment, ir-rikorrenti jargumentaw li kwalunkwe kunflitt huwa eskluż mill-fatt li l-proċedimenti ta’ arbitraġġ inkwistjoni nbdew qabel ma r-Rumanija aderiet fl-Unjoni. L-obbligu tar-Rumanija li timplimenta d-Deċiżjoni jingħad li jieqaf mill-mument li fih seħħ l-allegat ksur tal-BIT, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, u għalhekk mhuwiex affettwat mid-dritt tal-Unjoni.

Rigward il-karatterizzazzjoni tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni bħala għajnuna mill-Istat

(58)

Ir-rikorrenti jsostnu li l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni mir-Rumanija ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(59)

L-ewwel nett, filwaqt li ma jikkontestawx il-kwalifika ta’ S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., u S.C. Multipack bħala impriżi, ir-rikorrenti jsostnu li ma jistax jingħad li Ioan u Viorel Micula nfushom huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi. B’mod partikolari, il-fatt li l-aħwa Micula għandhom ishma f’diversi impriżi jingħad li mhuwiex suffiċjenti biex jikkwalifika lilhom infushom bħala impriżi. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li t-tliet kumpaniji hawn fuq imsemmija u l-aħwa Micula ma jistgħux jiġu ttrattati bħala unità ekonomika unika, billi l-interessi tal-aħwa mhumiex l-istess bħal dawk tal-kumpaniji.

(60)

It-tieni, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ma tagħtihomx vantaġġ. Huma jargumentaw li l-miżuri li jservu sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi legali, bħall-pagament tal-kumpens għad-danni, ma jikkostitwux trattament preferenzjali tal-impriżi. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża fuq id-dikjarazzjoni tal-Avukat Ġenerali Colomer f’Atzeni, billi dik il-Kawża kienet tirrigwarda danni mħallsa lil benefiċjarju b’kumpens għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli li diġà kienet tħallset. Ir-rikorrenti jsostnu li, b’kuntrast, huma ma kienu tħallsu l-ebda għajnuna mill-Istat, wisq anqas għajnuna illegali mill-Istat, u għalhekk huma differenti minn Atzeni. Bl-istess mod, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kawża preżenti ma tistax titqies l-istess bħall-kawżi msemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ fejn klawsoli fil-kuntratt li jindennizzaw lill-benefiċjarji għall-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mill-Istat tqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat huma stess.

(61)

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni taqa’ preċiżament taħt il-ġurisprudenza Asteris. Huma jargumentaw li r-raġunament wara l-ġurisprudenza Asteris, kif ukoll kawżi bħal Denkavit  (46) u ThyssenKrupp  (47), huwa li l-pagament tad-danni mhuwiex fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, u għalhekk ma jistax jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. L-impenji tar-Rumanija skont il-BIT huma sostnuti wkoll li huma espressjoni tar-regoli ġenerali tar-responsabbiltà li għalihom tapplika l-ġurisprudenza Asteris. Rigward l-argument tal-Kummissjoni li l-ġurisprudenza Asteris ma tapplikax għad-danni mogħtija abbażi ta’ BITs intra-UE kkunsidrati bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrenti jsostnu li kwalunkwe inkompatibbiltà bħal din ma tirrendix mingħajr effett id-Deċiżjoni mogħtija abbażi ta’ tali BIT. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ma tistax titqies li tagħti għajnuna mill-Istat “mill-bieb ta’ wara”, billi d-Deċiżjoni ma terġax tistabbilixxi l-iskema abolita tal-EGO 24; pjuttost, id-Deċiżjoni jingħad li tagħti d-danni għad-deċiżjoni awtonoma tar-Rumanija li, fost affarijiet oħra, iżżomm piż mhux raġonevoli impost fuq ir-rikorrenti.

(62)

Ir-rikorrenti jsostnu ukoll li l-argumenti tal-Kummissjoni rigward l-inkompatibbiltà tal-BIT mad-dritt tal-Unjoni huma irrilevanti, billi t-tilwima li wasslet għall-proċedimenti ta’ arbitraġġ u finalment għad-Deċiżjoni, qamet qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Filwaqt li jargumentaw li l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ hija bbażata fuq ir-rabta, b’mod żbaljat, tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni mal-inkompatibbiltà tal-iskema tal-EGO 24, ir-rikorrenti jerġgħu jsostnu li fi kwalunkwe każ, id-Deċiżjoni ma tatx id-danni abbażi tad-deċiżjoni tar-Rumanija li tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(63)

Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll li d-deċiżjoni tal-QtĠ-UE f’Lucchini, li l-Kummissjoni għamlet referenza għaliha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, għandha xi rilevanza għall-Kawża preżenti. Fl-opinjoni tagħhom, Lucchini tistabbilixxi biss li d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali ma jistgħux ifixklu l-irkupru ta’ għajnuna mhux kompatibbli, u ma għandha l-ebda rilevanza għall-implimentazzjoni/eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tagħti d-danni għall-ksur ta’ BIT.

(64)

It-tielet, rigward l-imputabbiltà tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni lir-Rumanija, ir-rikorrenti jargumentaw li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tistrieħ fuq l-imputabbiltà tal-EGO 24 innifisha. Barra minn hekk huma jsostnu li l-implimentazzjoni/eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-ICSID hija konsegwenza awtomatika u involontarja tal-obbligi tar-Rumanija skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID. Skont ir-rikorrenti, kwalunkwe att involontarju mhuwiex imputabbli lill-Istat u ma jistax jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Huma jenfasizzaw ukoll li d-deċiżjonijiet tal-ICSID mhumiex miftuħa għal valutazzjoni mill-qrati nazzjonali u l-infurzar tagħhom ma jistax jiġi imblukkat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku domestiku jew inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni.

(65)

Ir-rikorrenti jargumentaw ukoll li l-obbligi tar-Rumanija skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID ma kinux affettwati mis-sħubija sussegwenti tar-Rumanija fl-Unjoni. Huma jispjegaw li billi l-allegat ksur tal-BIT u l-bidu tal-proċedimenti seħħew qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, id-dritt tal-UE mhuwiex applikabbli għall-Kawża preżenti.

(66)

Ir-raba’, fir-rigward tas-selettività, ir-rikorrenti jsostnu li l-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni mhijiex selettiva, billi l-BITs u l-Konvenzjoni dwar l-ICSID jistabbilixxu sistema ta’ responsabbiltà ġenerali li tapplika bl-istess mod għal kull investitur. Għalhekk, id-danni mogħtija taħt din is-sistema, mhumiex selettivi. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkwotaw ukoll dikjarazzjoni allegatament magħmula mill-Kummissjoni li l-“BITs, għalkemm jagħtu benefiċċju billi jassiguraw drittijiet ta’ proprjetà barra l-pajjiż, teknikament ma jistgħux jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat projbita mill-Artikolu 107(1) [tat-Trattat] billi l-benefiċċju ma jiffavorix ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti iżda jingħata b’mod ġenerali lill-investituri kollha, irrispettivament mis-settur li joperaw fih.”

(67)

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jaqblux li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tista’ tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Huma jsostnu li r-raġunament kontenut fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ma jistax japplika għall-aħwa Micula, li allegatament ma huma involuti fl-ebda attività ekonomika, bil-konsegwenza li kwalunkwe pagament lilhom ma jistax ifixkel il-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’mod aktar ġenerali, ir-rikorrenti jargumentaw li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ma tagħtix vantaġġ lir-rikorrenti, u għalhekk jista’ jiġi eskluż kwalunkwe effett fuq il-kompetizzjoni jew il-kummerċ.

Rigward il-karatterizzazzjoni tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni bħala għajnuna ġdida

(68)

Ir-rikorrenti ma jaqblux ukoll mal-karatterizzazzjoni tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni bħala għajnuna ġdida. Huma jinnotaw li l-uniċi avvenimenti li seħħew wara l-adeżjoni tar-Rumanija kienu l-adozzjoni tad-Deċiżjoni nnifisha u l-eżekuzzjoni tagħha. B’mod partikolari, l-eżekuzzjoni, min-naħa tar-Rumanija, tingħad li hija biss konsegwenza awtomatika tad-Deċiżjoni, pjuttost milli r-riżultat ta’ deċiżjoni separata. Skont ir-rikorrenti, il-mumenti rilevanti kienu l-promulazzjoni tal-EGO 24, il-ħruġ tal-PICs lir-rikorrenti, jew mhux aktar tard mill-konklużjoni tal-BIT. Ir-rikorrenti jibbażaw ukoll fuq il-ġurisprudenza u l-prassi tal-Kummissjoni dwar il-garanziji tal-Gvern (li skonthom, il-mument rilevanti huwa meta tingħata l-garanzija, mhux meta tiġi invokata jew jinħarġu l-pagamenti) sabiex jargumentaw li fejn il-kumpens jitħallas abbażi ta’ impenn inkluż fi ftehim internazzjonali, id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim għandha titqies bħala determinanti.

Rigward il-kompatibbiltà tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni

(69)

Ir-rikorrenti l-ewwel nett isostnu li meta l-Kummissjoni tkun qiegħda tinvestiga għajnuna mhux innotifikata, u l-Istat Membru kkonċernat ma jressaq l-ebda argument dwar kompatibbiltà, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra jekk l-għajnuna tistax tkun kompatibbli skont xi regola jew linja gwida applikabbli, jekk ikun meħtieġ billi titlob aktar informazzjoni mingħand l-Istat Membru jew il-benefiċjarju.

(70)

Rigward l-analiżi preliminari tal-kompatibbiltà kontenuta fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, ir-rikorrenti jsostnu li din hija kunċettwalment difettuża billi tapplika l-Linji gwida kurrenti dwar l-Għajnuna Reġjonali (‘RAG’) għall-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, minkejja li huwa evidenti għall-aħħar li l-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni ma hija motivata mill-ebda objettiv ta’ żvilupp reġjonali. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, u waqt li jerġgħu jenfasizzaw li d-deċiżjoni ta’ ftuħ tassumi b’mod żbaljat li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi b’mod retroattiv l-EGO 24, l-unika għajnuna li setgħet ingħatat kienu l-benefiċċji skont l-iskema tal-EGO 24. L-EGO 24 għalhekk kellha tiġi valutata skont ir-RAG tal-1998, li bihom suppost kellhom jinstabu kompatibbli.

(71)

Ir-rikorrenti mbagħad isostnu li qatt ma kien hemm deċiżjoni formali valida li tistabbilixxi li l-EGO 24 tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mill-Istat. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni (id-Deċiżjoni Nru 244) li tiddenunzja l-EGO 24, kienet, skont ir-rikorrenti, difettuża, billi ma vvalutatx il-kompatibbiltà u naqset milli tipprovdi raġunament għas-sejbiet tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti argumentaw li l-adozzjoni tal-EGO 75, li rriaffermat l-EGO 24, mill-gvern Rumen, ikkanċellat id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni. Huma jargumentaw ukoll li r-rifjut tal-kontestazzjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni kontra l-EGO 75 quddiem il-qrati Rumeni hija prova ulterjuri li l-EGO 24 u l-EGO 75 ħadu preċedenza fuq id-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni.

(72)

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma kellha u ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tivvaluta l-EGO 24, anki b’mod inċidentali. Il-partijiet rilevanti tal-EGO 24 kienu revokati qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Sa fejn id-Deċiżjoni titqies li terġa’ tistabbilixxi għajnuna mogħtija skont l-EGO 24, ir-rikorrenti għalhekk isostnu li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza ta’ valutazzjoni. F’dan il-kuntest, huma jirreferu wkoll għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża dwar l-għajnuna mill-Istat N 380/2004, fejn il-Kummissjoni sabet li l-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ wara l-adeżjoni, li kienet ingħatat qabel l-adeżjoni u kienet tirrigwarda esklussivament perjodi ta’ qabel l-adeżjoni, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna ġdida.

(73)

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jargumentaw li l-EGO 24 u inċentivi individwali taħt l-EGO 24 kienu kompatibbli mas-suq intern skont ir-RAG applikabbli tal-1998, minħabba li kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha tal-kompatibbiltà. F’dan il-kuntest, huma jsostnu, l-ewwel nett, li l-EGO 24 tista’ fil-fatt titqies bħala għajnuna kompatibbli għall-investiment, pjuttost milli għajnuna operatorja, u, it-tieni, anki jekk titqies bħala għajnuna operatorja, l-EGO 24 xorta kienet kompatibbli.

Rigward l-aspettattivi leġittimi

(74)

Ir-rikorrenti jsostnu li deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssib li l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tmur kontra r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti. Huma jargumentaw li l-Unjoni inkoraġġiet espressament lir-Rumanija biex tikkonkludi BITs mal-Istati Membri qabel l-adeżjoni tar-Rumanija; li l-Kummissjoni għadha tappoġġja l-konklużjoni ta’ BITs; li r-rikorrenti strieħu fuq l-aspettattiva tagħhom li l-proċedimenti ta’ arbitraġġ se jippermettulhom li jirċievu kumpens għad-dannu kkawżat mid-deċiżjoni tar-Rumanija li żżomm l-obbligi kollha tal-investituri skont l-EGO 24; u li ma hemm l-ebda interess pubbliku prevalenti sabiex jitwarrbu l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti.

Rigward id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti

(75)

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, skont il-ġurisprudenza, il-partijiet interessati “għandhom biss dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva sa fejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni” (48). Bl-argument li r-Rumanija naqset milli tinvolvi b’mod xieraq lir-rikorrenti fil-proċedura dwar l-għajnuna mill-Istat, li allegatament poġġa lir-rikorrenti fi żvantaġġ partikolari, ir-rikorrenti jwissu li n-nuqqas, min-naħa tal-Kummissjoni, li tippermetti lir-rikorrenti li jiddefendu b’mod xieraq l-interessi tagħhom billi tinvolvihom b’mod aktar sħiħ fil-proċedura, jista’ jdgħajjef id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jikkonkludu billi jinnotaw li l-prattika tal-Kummissjoni f’kawżi dwar għajnuna mill-Istat, b’mod ġenerali ma tħarisx b’mod suffiċjenti d-drittijiet proċedurali tal-allegati benefiċjarji u, billi tonqos milli tipprovdi rimedju effettiv, tmur kontra l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

6.   KUMMENTI MIR-RUMANIJA DWAR IL-KUMMENTI TA’ PARTIJIET TERZI

(76)

Fit-tweġiba tagħha għall-kummenti ppreżentati mir-rikorrenti, ir-Rumanija l-ewwel nett tirrifjuta l-argument li Ioan u Viorel Micula ma setgħux huma nfushom jitqiesu li jikkostitwixxu impriżi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Ir-Rumanija targumenta li l-ħames rikorrenti għandhom pjuttost jitqiesu bħala unità ekonomika waħda, billi l-aħwa Micula jeżerċitaw kontroll dirett jew indirett fuq ir-rikorrenti korporattivi. Sabiex tappoġġja din l-affermazzjoni, ir-Rumanija fost l-oħrajn tispjega li matul in-negozjati bejn ir-Rumanija u r-rikorrenti, li seħħew wara li nħarġet id-Deċiżjoni, l-aħwa Micula ħadu deċiżjoni formali f’isem it-tliet rikorrenti korporattivi.

(77)

It-tieni, ir-Rumanija tirribatti t-tentattiv tar-rikorrenti li jiċħdu r-rabta bejn ir-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24 u l-għoti tad-danni bid-Deċiżjoni. Hija ssostni li mid-Deċiżjoni jidher ċar li l-valur tad-danni kien stabbilit mit-Tribunal fuq il-bażi tal-vantaġġi ekonomiċi li r-rikorrenti kienu jiksbu kieku nżammew l-inċentivi.

(78)

It-tielet, rigward l-allegazzjoni tar-rikorrenti li ma kinux u mhumiex qegħdin jiġu involuti b’mod xieraq fl-investigazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, ir-Rumanija tiċħad li ma bagħtitx mill-ewwel id-deċiżjoni ta’ ftuħ lir-rikorrenti. Hija ssostni wkoll li r-Rumanija ma għandha l-ebda obbligu legali li tinvolvi lir-rikorrenti b’mod aktar sħiħ milli huwa u kien il-każ.

7.   VALUTAZZJONI

7.1.   Eżistenza tal-għajnuna

(79)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li “għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern”. Għalhekk, miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk jiġu ssodisfati l-ebda kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

Il-miżura trid tagħti vantaġġ ekonomiku selettiv lil xi impriża.

Il-miżura trid tkun imputabbli lill-Istat u ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

Il-miżura trid twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni.

Il-miżura jrid ikollha l-potenzjal li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(80)

Il-Kummissjoni tisħaq li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv u legali definit direttament mit-Trattat. L-istabbiliment ta’ jekk miżura partikolari tikkostitwix għajnuna mill-Istat ma tiddependix fuq l-intenzjonijiet jew il-ġustifikazzjonijiet tal-Istati Membri meta jagħtuha, iżda fuq l-effetti tal-miżura inkwistjoni (49).

Impriża

(81)

Il-QtĠ-UE ddefiniet b’mod konsistenti l-impriżi bħala entitajiet involuti f’attività ekonomika, irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom u l-mod kif jiġu ffinanzjati (50). Il-klassifikazzjoni ta’ entità partikolari għalhekk tiddependi kompletament fuq in-natura tal-attivitajiet tagħha.

(82)

Entitajiet ġuridiċi separati jistgħu jitqiesu li jiffurmaw unità ekonomika waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-unità ekonomika mbagħad titqies li hija l-impriża rilevanti. Kif diġà sostniet il-QtĠ-UE, “fid-dritt tal-kompetizzjoni, it-terminu ‘impriża’ jrid jinftiehem bħala li jindika unità ekonomika […] anki jekk fil-liġi dik l-unità ekonomika tikkonsisti minn diversi persuni, fiżiċi jew ġuridiċi (51).” Sabiex tistabbilixxi jekk diversi entitajiet jiffurmawx unità ekonomika, il-QtĠ-UE tħares lejn l-eżistenza ta’ sehem kontrollanti jew rabtiet funzjonali, ekonomiċi jew organiċi (52).

(83)

Ir-rikorrenti fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ li wasslu għad-Deċiżjoni huma l-aħwa Ioan Micula u Viorel Micula u tliet kumpaniji tagħhom (S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., u S.C. Multipack). Huwa evidenti li t-tliet kumpaniji huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi, billi jispeċjalizzaw fil-manifattura industrijali ta’ prodotti tal-ikel, prodotti tat-tħin, u imballaġġ tal-plastik, rispettivament. It-tliet kumpaniji għalhekk jikkostitwixxu impriżi. Din il-karatterizzazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.

(84)

Ir-rikorrenti madankollu jsostnu li l-aħwa Micula nfushom ma jistgħux, bħala persuni fiżiċi, jitqiesu li jikkostitwixxu impriżi għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u li għalhekk il-fondi mħallsa lilhom fl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, l-interessi tal-aħwa Micula jingħad li ma jikkoinċidux ma’ dawk tat-tliet rikorrenti korporattivi.

(85)

Il-Kummissjoni madankollu ssib li t-tliet kumpaniji u l-aħwa Micula, flimkien jikkostitwuxxu unità ekonomika unika għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Din l-unità ekonomika għalhekk hija kkunsidrata bħala l-impriża rilevanti.

(86)

Din is-sejba hija bbażata l-ewwel nett fuq il-fatt li l-aħwa Micula għandhom, direttament jew indirettament, is-sjieda prattikament esklussiva tat-tliet rikorrenti korporattivi, li juri interess kontrollanti fuq dawk il-kumpaniji.

(87)

It-tieni, din is-sejba tqis li r-rikorrenti korporattivi jiffurmaw parti minn grupp akbar ta’ kumpaniji, il-European Food and Drinks Group (“EFDG”). Matul il-proċedimenti tal-arbitraġġ, l-aħwa Micula talbu wkoll kumpens għal kumpaniji oħra li jiffurmaw parti mill-EFDG li allegatament sofrew telf b’riżultat tal-azzjonijiet tar-Rumanija li wasslu għall-proċedimenti. Fil-fatt, flok talbu u kkwantifikaw telf separat għal kull rikorrent korporattiv u ż-żewġ rikorrenti individwali, ir-rikorrenti bbażaw l-applikazzjoni tagħhom għall-kumpens fuq it-telf allegatament sofrut mill-EFDG kollu. Wara li eżamina l-istruttura tas-sjieda tal-EFDG u stabbilixxa li l-aħwa Micula, direttament jew indirettament, kienu jippossiedu mill-anqas 99,96 % tal-kumpaniji kollha fl-EFDG li għalihom l-aħwa Micula talbu d-danni (dawn huma European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., West Leasing S.R.L), it-Tribunal aċċetta dan l-approċċ u ppermetta lir-rikorrenti li jfittxu l-kumpens għat-telf tal-EFDG kollu (53). Din l-imġiba tar-rikorrenti matul il-proċedimenti tal-arbitraġġ u d-deċiżjonijiet korrispondenti tat-Tribunal juru li l-aħwa Micula u t-tliet rikorrenti korporattivi, kif ukoll il-kumpaniji hawn fuq imsemmija li jiffurmaw parti mill-EFDG, jiffurmaw unità ekonomika unika b’interess ekonomiku uniku.

(88)

It-tielet, il-karatterizzazzjoni tal-aħwa Micula u l-kumpaniji tagħhom bħala unità ekonomika waħda hija rinforzata ulterjorment mill-mod kif id-Deċiżjoni eventwalment tathom il-kumpens. Pjuttost milli qassmet il-kumpens individwalment lil kull wieħed mill-ħames rikorrenti, id-Deċiżjoni tathom il-kumpens “b’mod kollettiv” abbażi ta’ “intitolament komuni”. Il-fatt li l-ħames rikorrenti flimkien (jiġifieri, inklużi r-rikorrenti korporattivi) talbu lit-Tribunal jagħti l-kumpens kollu biss lill-aħwa Micula juri li r-rikorrenti korporattivi ma għandhom l-ebda awtonomija fir-rigward tal-aħwa Micula. It-Tribunal finalment ippermetta lil kull rikorrent jirkupra l-ammont sħiħ tal-kumpens mogħti, u mbagħad li jqassam il-kumpens bejn ir-rikorrenti kif iħoss xieraq, irrispettivament mid-danni attwalment imġarrba minn kull rikorrent.

(89)

Il-konklużjoni ta’ hawn fuq mhijiex affettwata mill-argument tar-rikorrenti li l-Kawża preżenti trid tiġi distinta mis-sentenza f’Hydrotherm, billi l-persuna fiżika f’dik il-Kawża kienet sieħeb personalment responsabbli għall-obbligi finanzjarji tad-diversi kumpaniji li magħhom kienet ikkunsidrata li tikkostitwixxi unità ekonomika unika, filwaqt li l-aħwa Micula mhumiex personalment responsabbli b’dan il-mod. Bi tweġiba, il-Kummissjoni tfakkar li fil-paragrafi rilevanti tas-sentenza tagħha fil-Kawża dwar Hydrotherm, il-QtĠ-UE ma semmietx ir-responsabbiltà personali tal-persuna fiżika inkwistjoni; pjuttost, il-QtĠ-UE llimitat ruħha li tirrimarka li l-persuna fiżika inkwistjoni “għandha kontroll sħiħ” tal-kumpaniji inkwistjoni (54). Kif diġà ssemma, bis-saħħa tas-sjieda tagħhom, l-aħwa Micula wkoll għandhom kontroll sħiħ fuq ir-rikorrenti korporattivi, u fil-fatt il-kumpaniji rilevanti l-oħra tal-EFDG.

(90)

Kuntrarju għall-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-loġika li fuqha hija bbażata s-sentenza Cassa di Risparmio di Firenze tapplika bl-istess mod f’din il-kawża. F’dik is-sentenza, il-QtĠ-UE rrikonoxxiet li attività ekonomika tista’ tiġi eżerċitata minn entità direttament jew indirettament, permezz tal-kontroll ta’ operatur bħala parti minn unità ekonomika li huma jiffurmaw flimkien. Għalkemm il-QtĠ-UE tirrikonoxxi li s-sempliċi fatt ta’ pussess ta’ ishma, anki parteċipazzjonijiet azzjonarji kontrollanti, mhuwiex suffiċjenti sabiex attività tal-entità li jkollha dawk l-ishma tiġi kkaratterizzata bħala ekonomika meta din twassal biss għall-eżerċizzju tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ azzjonist jew membru, kif ukoll ir-riċeviment ta’ dividendi, li jkunu sempliċement il-frott tas-sjieda ta’ assi, huwa ċar li s-sitwazzjoni preżenti hija differenti. Fil-fatt, skont il-QtĠ-UE, “korp li jżomm ishma ta’ kontroll f’kumpannija, jeżerċita effettivament dan il-kontroll waqt li jipparteċipa direttament jew indirettament fl-amministrazzjoni tagħhom għandu jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-attività ekonomika eżerċitata mill-impriża kkontrollata (55).” Il-QtĠ-UE kienet ikkonċernata wkoll tirrimarka li s-“sempliċi separazzjoni ta’ impriża f’żewġ entitajiet differenti” ma tistax tkun suffiċjenti biex jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (56). Dan ir-raġunament japplika wkoll meta waħda miż-żewġ entitajiet ikkonċernati tkun persuna fiżika. Inkella l-għoti ta’ għajnuna lil persuna fiżika li tkun l-azzjonist kontrollanti ta’ impriża ma jitqiesx li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, minkejja li l-persuna fiżika tista’ tuża dik l-għajnuna għall-benefiċċju tal-impriżi li tikkontrolla. Fil-fatt, fil-Kawża preżenti, ma tista’ tagħmel l-ebda differenza għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, jekk il-kumpens mogħti kollettivament lill-ħames rikorrenti kollha mit-Tribunal jitħallasx lill-aħwa Micula jew lill-kumpaniji tagħhom.

(91)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssib li l-aħwa Micula u t-tliet rikorrenti korporattivi flimkien jiffurmaw unità ekonomika unika li tikkostitwixxi impriża għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-kumpaniji l-oħra tal-EFDG li għall-allegat telf tagħhom l-aħwa Micula ngħataw kumpens bis-saħħa tad-Deċiżjoni (European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., West Leasing S.R.L) (57) ukoll jiffurmaw parti minn din l-unità ekonomika unika. Il-benefiċjarja finali tal-miżura ta’ għajnuna hija din l-unità ekonomika unika, iffurmata mill-ħames rikorrenti u dawk il-kumpaniji tal-EFDG.

Vantaġġ Ekonomiku (1)

(92)

Vantaġġ, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huwa kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat (58). Il-forma preċiża tal-miżura mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk din tagħtix vantaġġ ekonomiku lill-impriża. Il-kunċett ta’ vantaġġ jinkludi, pereżempju, is-sitwazzjonijiet kollha fejn l-impriżi jinħelsu mill-ispejjeż inerenti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

(93)

Permezz tad-Deċiżjoni, it-Tribunal ta lir-rikorrenti kumpens ta’ RON 376 433 229 flimkien mal-imgħax, kontra r-Rumanija. Sabiex wieħed jifhem b’mod sħiħ għaliex l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tagħti vantaġġ ekonomiku lir-rikorrenti, qabelxejn huwa utli li wieħed jeżamina fuq liema bażi t-Tribunal iddeċieda li għandu jingħata kumpens lir-rikorrenti f’dik id-Deċiżjoni.

(94)

Wara li kien iddeċieda li r-Rumanija kienet kisret il-BIT, it-Tribunal spjega li d-danni kellhom jingħataw fuq il-bażi tal-prinċipju li “ir-rikorrent irid jitpoġġa lura fil-pożizzjoni li ‘b’kull probabbiltà’ kien ikun fiha li ma kienx għad-dannu internazzjonali (59).” Huwa spjega wkoll li seta’ jiġi kkumpensat permezz tad-danni dak it-telf biss li huwa każwalment marbut mal-att li jikkostitwixxi d-dannu internazzjonali, u li “il-ksur kollu tal-BIT allegat mir-Rikorrenti jirriżulta mill-istess fatt: ir-revoka qabel iż-żmien tal-inċentivi tal-[EGO 24] jew b’rabta diretta ma’ dik ir-revoka qabel iż-żmien (60).” Fil-valutazzjoni tal-kumpens preċiż dovut lir-rikorrenti, it-Tribunal ikkunsidra jekk fil-fatt iġġarrabx telf u jekk kienx relatat direttament mar-revoka tal-iskema ta’ inċentivi. Pereżempju, fir-rigward tad-danni mogħtija għaż-żieda fil-prezz taz-zokkor, it-Tribunal sostna (61): “Kemm l-eżistenza tad-dannu kif ukoll ir-rabta kawżali bejn ir-revoka tal-inċentivi u d-dannu sofrut kienu ppruvati b’mod adegwat. Ma hemm l-ebda kontestazzjoni li, b’riżultat tar-revoka tal-Inċentiv għall-Materja Prima, ir-Rikorrenti kienu meħtieġa jħallsu ammont aktar għaz-zokkor li xtraw wara Frar 2005”.

(95)

Fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, huwa ċar li permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, ir-Rumanija tagħti lir-rikorrenti ammont li jikkorrispondi eżattament għall-vantaġġi previsti taħt l-iskema abolita tal-EGO 24 mill-mument li ġiet revokata (22 ta’ Frar 2005) sal-iskadenza skedata tagħha (1 ta’ April 2009). B’mod aktar preċiż, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni de facto tirrimborża d-dazji doganali ċċarġjati fuq iz-zokkor u materja prima oħra impurtati bejn it-22 ta’ Frar 2005 u l-31 ta’ Marzu 2009, kif ukoll id-dazji doganali ċċarġjati fuq iz-zokkor impurtat li r-rikorrenti kienu jevitaw kieku kellhom l-opportunità li jaħżnu għal quddiem iz-zokkor qabel l-iskadenza skedata tal-faċilitajiet tal-EGO 24 fil-31 ta’ Marzu 2009. Barra minn hekk, sabiex jassigura li r-rikorrenti jibbenefikaw b’mod sħiħ minn ammont korrispondenti għal dak tal-iskema abolita u “jitpoġġa lura fil-pożizzjoni li b” kull probabbiltà’ kien ikun fiha”, it-Tribunal ta wkoll imgħax u kumpens għall-allegati opportunità mitlufa u l-profitt mitluf (62). Fil-fatt, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni li r-rikorrenti, b’kull probabbiltà, kienu jkunu fiha kieku qatt ma ġiet revokata l-iskema tal-EGO 24.

(96)

Għalhekk, l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tagħti lir-rikorrenti vantaġġ ekonomiku li mhuwiex disponibbli b’mod ieħor fis-suq. L-ewwel, l-ispejjeż tal-materja prima, bħala inputs għall-prodotti finali, jikkostitwixxu spejjeż operatorji ordinarji tal-impriżi, u l-ħelsien minn parti mill-ispejjeż operatorji ordinarji tagħhom jagħtihom vantaġġ ċar. It-tieni, l-għoti ta’ kumpens lir-rikorrenti għall-profitti mitlufa minħabba li kellhom jerfgħu l-ispejjeż operatorji proprji tagħhom huma stess, ukoll jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku li mhuwiex disponibbli f’kundizzjonijiet normali tas-suq u fin-nuqqas tad-Deċiżjoni; f’kundizzjonijiet normali tas-suq, l-impriża kien ikollha terfa’ hija stess l-ispejjeż inerenti fl-attività ekonomika tagħha u għalhekk ma kinitx tiġġenera dawn il-profitti. It-tielet, il-pagament tal-imgħax lir-rikorrenti fuq ħlasijiet li allegatament kienu dovuti fl-imgħoddi, iżda li huma nfushom iridu jkunu kwalifikati bħala li jagħtu vantaġġ, jagħti vantaġġ separat u addizzjonali. Għal darba oħra, f’kundizzjonijiet normali tas-suq u fin-nuqqas tad-Deċiżjoni, l-impriża kien ikollha terfa’ l-ispejjeż operatorji ordinarji tagħha, ma kinitx tiġġenera l-allegati profitti mitlufa, u għalhekk ma kinitx tkun kapaċi tiġbed imgħax fuq dan il-kapital. Fil-fatt, bir-revoka tal-iskema tal-EGO 24, ir-Rumanija reġgħet stabbiliet il-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni fis-suq li joperaw fih ir-rikorrenti, u kwalunkwe tentattiv sabiex ir-rikorrenti jiġu kkumpensati għall-konsegwenzi tar-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24, jagħti vantaġġ li mhuwiex disponibbli f’dawk il-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(97)

It-tentattivi tar-rikorrenti sabiex jisseparaw l-għoti tal-kumpens mir-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24 mhumiex konvinċenti. Ir-rikorrenti jargumentaw: “[F]il-każ preżenti, it-Tribunal tal-ICSID ikkonkluda li d-deċiżjoni ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat kienet tikkonforma mal-obbligi tar-Rumanija skont il-BIT u ma tax danni lir-Rikorrenti fuq din il-bażi. Minflok, it-Tribunal tal-ICSID ta danni għall-imġiba ħażina tal-Istat Rumen li kienet tikkonsisti fiż-żamma tal-obbligi imposti fir-rigward tal-EGO 24 wara l-irtirar tal-iskema u l-imġiba mhux trasparenti lejn l-investituri”.

(98)

Din id-deskrizzjoni tad-Deċiżjoni mhijiex preċiża u fi kwalunkwe każ tonqos milli tikkunsidra l-effetti tal-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni. Diġà ġie rrimarkat li t-Tribunal qies li l-allegat ksur tal-BIT kollu rriżulta minn “ir-revoka qabel iż-żmien tal-inċentivi jew b’rabta diretta ma’ dik ir-revoka qabel iż-żmien”, (63) u ta d-danni għat-telf li rriżulta direttament mir-revoka tal-iskema ta’ inċentivi. It-Tribunal diġà ġie kkwotat ukoll li qal li (64): “[B]ir-revoka tal-inċentivi skont l-EGO 24 qabel l-1 ta’ April 2009, ir-Rumanija ma aġixxietx b’mod mhux raġonevoli jew b’mala fede (ħlief li r-[Rumanija] aġixxiet b’mod mhux raġonevoli billi żammet l-obbligi tal-investituri wara li tterminat l-inċentivi). It-Tribunal, madankollu, jikkonkludi b’maġġoranza li r-Rumanija kisret l-aspettattivi leġittimi tar-Rikorrenti li dawk l-inċentivi kienu se jkunu disponibbli, sostanzjalment fl-istess forma, sal-1 ta’ April 2009. Ir-Rumanija naqset ukoll li taġixxi b’mod trasparenti billi naqset milli tinforma fil-ħin lir-Rikorrenti li r-reġim kien se jiġi tterminat qabel id-data ta’ skadenza skedata tiegħu. Minħabba f’hekk, it-Tribunal isib li r-Rumanija naqset milli ‘tassigura trattament ġust u ekwu tal-investimenti’ tar-Rikorrenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tal-BIT.”

(99)

Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, ma jistax jiġi sostnut, kif jagħmlu r-rikorrenti, li t-Tribunal sab li d-deċiżjoni tar-Rumanija li tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat billi tirrevoka l-EGO 24 ma kinitx tikser il-BIT, jew li ma tatx danni fuq dik il-bażi. (65) Il-Kummissjoni tinnota li bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu li jagħti kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet u t-telf tal-abilità ta’ ħażna għal quddiem, kif ukoll għall-profitti mitlufa, it-Tribunal irrefera biss għad-danni mġarrba mir-rikorrenti b’riżultat tar-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24 (66). B’mod partikolari, it-Tribunal ma rreferiex għal, jew ta danni addizzjonali fuq il-bażi tas-sejba tiegħu li r-Rumanija aġixxiet b’mod raġonevoli meta żammet l-obbligi tal-investituri skont l-EGO 24 u naqset milli taġixxi b’mod trasparenti.

Vantaġġ Ekonomiku (2): Id-Danni u l-Għajnuna mill-Istat

(100)

Kuntrarju għas-sottomissjoni tar-rikorrenti, il-preżenza ta’ vantaġġ mhijiex prekluża wkoll mill-fatt li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni jinvolvi ħlas ta’ kumpens għad-danni. Il-mistoqsija ċentrali f’dan ir-rigward hija jekk il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal-QtĠ-UE dwar Asteris  (67) humiex applikabbli għal dan il-każ. Fis-sentenza tagħha f’Asteris, il-QtĠ-UE spjegat li l-għajnuna mill-Istat “hija fundamentalment differenti fin-natura legali tagħha mid-danni li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jkunu ordnati jħallsu lil individwi b’kumpens għad-dannu li jkunu kkawżaw lil dawk l-individwi (68).” Ir-rikorrenti jargumentaw li l-Kawża preżenti taqa’ eżattament taħt din il-ġurisprudenza, u li kwalunkwe tentattiv mill-Kummissjoni biex tiddistingwi l-Kawża dwar Asteris minn din mhuwiex konvinċenti. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni.

(101)

Il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li l-Kawża dwar Asteris ħarġet minn kuntest ferm differenti mill-Kawża preżenti. Fl-ewwel kawża, il-QtĠ-UE tat sentenza bi tweġiba għal referenza għal deċiżjoni preliminari minn qorti Griega li biha l-QtĠ-UE kienet mitluba tippronunzja ruħha dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri sabiex jikkunsidraw talbiet għad-danni ppreżentati minn individwi kontra l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tan-nuqqas ta’ pagament tal-għajnuna skont il-politika agrikola komuni tal-Unjoni. In-nuqqas ta’ pagament tal-għajnuna ma kienx ir-riżultat ta’ wegħda miksura mill-awtoritajiet Griegi li jagħtu dik l-għajnuna, iżda pjuttost il-konsegwenza tal-inklużjoni ta’ żbalji tekniċi mill-Kummissjoni f’regolament. L-impriżi affettwati diġà kienu ppreżentaw azzjoni għad-danni kontra l-Kummissjoni quddiem il-QtĠ-UE, li kienet irrifjutata bħala bla bażi. Bi tweġiba għar-referenza għal deċiżjoni preliminari, il-QtĠ-UE fis-sentenza tagħha speċifikat li billi qabel kienet irrifjutat l-azzjoni għad-danni kontra l-Kummissjoni, kwalunkwe azzjoni għad-danni kontra l-Istat Grieg trid tkun għal raġunijiet differenti mill-azzjoni kontra l-Kummissjoni li hija rrifjutat, jiġifieri azzjoni żbaljata tal-awtoritajiet Griegi nfushom. B’mod partikolari, il-QtĠ-UE ma qalitx li l-għoti ta’ danni daqs ammont ta’ għajnuna illegali mill-Istat, imwiegħda iżda mhux imħallsa, ma jammontax għal għajnuna mill-Istat huwa stess. Għalhekk, mis-sentenza dwar Asteris ma jirriżultax li kull għoti tad-danni awtomatikament ikun barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, kif donnhom qegħdin jargumentaw ir-rikorrenti. Pjuttost, f’każijiet ta’ responsabbiltà bbażati fuq l-imġiba żbaljata tal-awtoritajiet nazzjonali, ma jingħata l-ebda vantaġġ lil impriża meta dik ir-responsabbiltà tassigura biss li l-parti li sofriet id-dannu tingħata dak li għandha dritt għalih, l-istess bħal kwalunkwe impriża oħra, skont ir-regoli ġenerali tar-responsabbiltà ċivili f’dak l-Istat Membru. Il-kumpens mogħti skont dawk ir-regoli ġenerali tar-responsabbiltà ċivili huwa differenti mill-għajnuna mill-Istat billi ma jistax iwassal biex l-individwu li sofra d-dannu jkun aktar sinjur wara li jirċievi l-kumpens.

(102)

It-tieni, biex il-kumpens ma jaqax taħt ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat skont il-ġurisprudenza Asteris, huwa jrid ikun ibbażat fuq regola ġenerali tal-kumpens. (69) Fil-każ preżenti, il-kumpens ingħata lir-rikorrenti abbażi ta’ BIT intra-UE li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala invalidu mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Il-Kummissjoni b’mod konsistenti ħadet il-pożizzjoni li l-BITs intra-UE, bħall-BIT li fuqu r-rikorrenti qegħdin jibbażaw it-talba tagħhom (70), huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni billi mhumiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni u għalhekk għandhom jitqiesu bħala invalidi. (71) Il-Kummissjoni kemm-il darba għamlet din l-opinjoni magħrufa lill-Istati Membri, inkluż lill-Istati Membri inkwistjoni.

(103)

It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li l-għan tad-Deċiżjoni huwa li tikkumpensa lill-applikanti għall-inċentivi li r-Rumanija kienet wegħdithom taħt l-EGO 24 (modifikati bl-EGO 75) iżda li kienet meħtieġa tabolixxi mill-Unjoni sabiex ittemm il-proċess tan-negozjati għall-adeżjoni tagħha fl-Unjoni. Għalhekk, b’kuntrast mal-każ ta’ Asteris, ir-raġuni għaliex l-applikanti qegħdin jitolbu kumpens f’dan il-każ hija minħabba li kienu mċaħħda mill-inċentivi li r-Rumanija wegħdithom bi ksur tal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni u l-Liġi Nru 143/1999 kif interpretata bid-Deċiżjoni Nru 244/2000 tal-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni li ma tingħatax għajnuna illegali mill-Istat. Madankollu, kif spjega l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer (72), għoti ta’ danni daqs it-total tal-ammonti ta’ għajnuna li kienu previsti li jingħataw, ikun jikkostitwixxi għotja indiretta ta’ għajnuna mill-Istat misjuba li hija illegali u inkompatibbli mas-suq intern. Billi segwiet dik il-linja, il-Qorti Ġenerali qieset li l-klawsoli ta’ indennizz għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (73). Barra minn hekk, fis-sentenza f’Lucchini, il-QtĠ-UE sostniet li qorti nazzjonali kienet impedita milli tapplika l-liġi nazzjonali fejn l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi jkollha l-effett li “ma tapplikax id-dritt komunitarju u tagħmel impossibbli l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat bi ksur tad-dritt Komunitarju” (74).

(104)

It-tentattivi tar-rikorrenti sabiex jiddistingwu dawk il-kawżi mill-Kawża preżenti mhumiex konvinċenti. Li jgħodd mhuwiex li l-fatti preċiżi ta’ dawk il-kawżi huma differenti minn dawk tal-Kawża preżenti, iżda l-prinċipju li jinforma dawk il-kawżi, jiġifieri li l-liġi nazzjonali, inklużi l-arranġamenti tar-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, ma tistax tiġi applikata meta l-applikazzjoni tagħha tfixkel l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u finalment tirriżulta fl-għoti ta’ għajnuna illegali mill-Istat. Għalhekk, il-Kawża dwar Asteris ma teżentax id-danni mogħtija bħala kumpens għall-irkupru ta’ għajnuna illegali mill-Istat jew għan-nuqqas ta’ riċeviment ta’ għajnuna illegali mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis li dak l-istess prinċipju japplika meta r-responsabbiltà toħroġ minn trattat skont il-liġi internazzjonali konkluż bejn żewġ Stati Membri (bħal BIT intra-UE) li l-applikazzjoni tiegħu twassal għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Meta l-għoti ta’ effett lil trattat intra-UE minn Stat Membru jfixkel l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dak l-Istat Membru jrid jirrispetta d-dritt tal-Unjoni billi d-dritt primarju tal-Unjoni, bħall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, jieħu preċedenza fuq l-obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

(105)

L-argument tar-rikorrenti li qatt ma kien hemm deċiżjoni formali valida li tistabbilixxi li l-EGO 24 tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat jew li dawk l-inċentivi ma kinux kompatibbli mas-suq intern, mhuwiex rilevanti f’dan ir-rigward, billi hija l-implimentazzjoni/eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni u mhux l-inċentivi għall-investiment imwiegħda bl-EGO 24, li tikkostitwixxi l-miżura kkontestata u tifforma l-bażi tad-Deċiżjoni preżenti. Fil-fatt, meta jitqies li l-EGO 24 kienet abolita fit-22 ta’ Frar 2005 u li ma tħallset l-ebda għajnuna skont dik il-leġislazzjoni wara dik id-data, la l-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni u lanqas il-Kummissjoni ma setgħu jikkonkludu f’deċiżjoni formali li l-EGO 24 wasslet għal għajnuna inkompatibbli mill-Istat fil-perjodu bejn it-22 ta’ Frar 2005 sal-1 ta’ April 2009, li huwa l-perjodu li għalih id-Deċiżjoni tagħti kumpens lir-rikorrenti.

(106)

Għal dik l-istess raġuni, ma hemmx bżonn ukoll li l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni formali li ssib l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’każijiet fejn qorti nazzjonali jew tribunal tal-arbitraġġ jagħtu kumpens kontra Stat Membru għall-irtirar ta’ miżura ta’ għajnuna. L-Artikolu 107(1) tat-Trattat fih projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ għajnuna “ta’ kwalunkwe forma” mill-Istat. Il-forma preċiża tal-miżura għalhekk mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk tagħtix vantaġġ ekonomiku lill-impriża (75). Għalhekk, jekk l-għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza jew deċiżjoni, li l-Kummissjoni tqis li huwa l-każ fir-rigward tad-Deċiżjoni, huwa fir-rigward ta’ dik l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni li l-Kummissjoni trid turi li l-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati u li dik l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

(107)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tfakkar li l-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni, diversi Pożizzjonijiet Komuni tal-Unjoni u l-Gvern Rumen wara r-revoka tal-EGO 24, kollha kkonkludew li l-EGO 24 wasslet għal għajnuna illegali mill-Istat skont il-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 4/2000 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija, il-Liġi Nru 143/99 u l-acquis communautaire. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 244/2000 tal-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni qatt ma ġiet ikkontestata jew annullata, iżda biss injorata mil-leġiżlatur Rumen permezz tal-adozzjoni tal-EGO 75 kontra d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 143/1999 dwar l-għajnuna mill-Istat u għalhekk bi ksur tal-obbligi tiegħu skont il-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni Nru 4/2000 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija. L-Unjoni mbagħad insistiet li r-Rumanija tikkonforma ma’ dik id-deċiżjoni, l-obbligi tagħha skont il-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni u l-acquis communautaire fil-kuntest tan-negozjati tal-adeżjoni, li tal-aħħar għamlet billi ħassret l-EGO 24.

(108)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni jikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku favur ir-rikorrenti li ma kinux jiksbu f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

Selettività

(109)

Mhux il-miżuri kollha li jagħtu vantaġġ ekonomiku lil impriża jikkostitwixxu Għajnuna mill-Istat, iżda dawk biss li jagħtu vantaġġ ekonomiku b’mod selettiv lil ċerti impriżi jew kategoriji ta’ impriżi jew lil ċerti setturi ekonomiċi.

(110)

Id-Deċiżjoni tagħti kumpens biss lir-rikorrenti. Għalhekk billi tħallas dak il-kumpens, permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, ir-Rumanija tagħti vantaġġ biss lir-rikorrenti. Il-miżura għalhekk hija selettiva.

(111)

Barra minn hekk, kif joħroġ mis-sentenza dwar Asteris, il-kumpens għad-danni ma tibbenefikax minnu b’mod selettiv impriża individwali biss sakemm dak il-kumpens joħroġ mill-applikazzjoni ta’ regola ġenerali tal-liġi għar-responsabbiltà tal-gvern li kull individwu jista’ jinvoka, sabiex jiġi eskluż li kwalunkwe kumpens mogħti jagħti benefiċċju selettiv lil ċerti gruppi fis-soċjetà. Il-miżura kkontestata, li toħroġ mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-BIT, ma tikkonformax ma’ dan ir-rekwiżit għar-raġunijiet kollha fil-każ preżenti.

(112)

L-ewwel nett, il-BIT jagħti biss dan id-dritt ta’ kumpens lil ċertu grupp ta’ investituri, jiġifieri, lil investituri taż-żewġ Stati Membri koperti bil-BIT intra-UE, jiġifieri l-Isvezja u r-Rumanija. Għalhekk, mhux kull investitur tal-Unjoni fl-istess sitwazzjoni jista’ juża dak il-BIT biex jitlob danni li jikkorrispondu għall-inċentivi mwiegħda taħt l-iskema ta’ għajnuna abolita tal-EGO 24, iżda investituri ta’ ċerta nazzjonalità biss. Għalhekk, sa fejn il-ħlas ta’ kumpens mogħti lil investitur skont BIT jammonta għall-għoti ta’ vantaġġ, il-vantaġġ huwa selettiv. Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-karattru ġenerali tal-benefiċċji pprovduti bil-BITs qabel kien rikonoxxut mill-Kummissjoni (ara l-premessa 66), id-dikjarazzjoni kkwotata mir-rikorrenti b’appoġġ għal dik it-talba fil-fatt mhijiex dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, iżda silta minn studju ppreparat minn kuntrattur estern għad-Dipartiment tal-Politika tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Esterni tal-Parlament Ewropew. It-tieni, sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju dwar is-sjieda tal-opinjonijiet espressi f’dan l-istudju, huwa jinkludi dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà li tispeċifika li l-awtur iġorr ir-responsabbiltà unika għalihom u li huma ma jirriflettux il-pożizzjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew. Id-dikjarazzjoni magħmula f’dan ir-rapport ma tistax tiġi imputata lill-Kummissjoni u mhijiex rilevanti għal din il-kawża.

(113)

It-tieni, il-miżura kkontestata tikkumpensa lill-applikanti għar-revoka tal-inċentivi għall-investiment li minnhom infushom huma ta’ natura selettiva. Fil-fatt, l-inċentivi offruti taħt l-EGO 24 kienu disponibbli biss għal impriżi li jinvestu f’ċerti reġjuni. Għalhekk, il-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti għandu fih innifsu jitqies bħala selettiv billi jikkorrispondi għall-vantaġġi mwiegħda taħt l-EGO 24 abolita.

(114)

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-BIT li abbażi tiegħu t-Tribunal ta l-kumpens lir-rikorrenti ma baqax validu mal-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, u għalhekk ma jistax jitqies li jifforma l-bażi għal regola ġenerali tal-liġi għar-responsabbiltà tal-gvern li kull investitur jista’ juża.

(115)

Għar-raġunijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tagħti vantaġġ selettiv lir-rikorrenti.

Riżorsi tal-Istat

(116)

Vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Fil-każ preżenti, ir-Rumanija diġà implimentat parzjalment id-Deċiżjoni billi paċiet parti mill-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti kontra t-taxxi dovuti minn wieħed mir-rikorrenti lill-Istat Rumen. Barra minn hekk l-eżekutur maħtur mill-qorti qabad fondi mill-kontijiet tal-Istat biex jissodisfa t-talbiet pendenti tar-rikorrenti skont id-Deċiżjoni. Il-pagamenti diretti mill-baġit tal-Istat, it-telf ta’ introjtu mill-Istat bit-tħassir tat-taxxi dovuti, jew it-tħassir ta’ assi oħra tal-Istat (bħal ishma f’impriżi oħra jew it-trasferiment tal-assi maqbuda) lir-rikorrenti, sew jekk magħmula b’mod volontarju jew permezz ta’ eżekuzzjoni ordnata mill-qorti, kollha għandhom jitqiesu bħala miżuri ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

Imputabbiltà

(117)

Biex vantaġġ selettiv jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, huwa jrid ikun, fost affarijiet oħra, imputabbli lill-Istat (76). Fil-każ preżenti, ir-rikorrenti jsostnu li billi l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni hija “konsegwenza awtomatika u involontarja tal-obbligi tar-Rumanija skont il-Konvenzjoni dwar l-ICSID, hija b’mod ċar mhux imputabbli lill-Istat, u għalhekk ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat”. Il-punt prinċipali tal-argument tar-rikorrenti huwa li billi r-Rumanija għandha obbligu skont il-liġi internazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni, li tagħmel dan mhuwiex imputabbli lill-Istat. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma’ dan ir-raġunament u tikkunsidra l-miżura bħala imputabbli lir-Rumanija għar-raġunijiet li ġejjin.

(118)

Il-Kummissjoni fil-bidu tinnota li l-qbil volontarju tar-Rumanija li tidħol fil-BIT, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu, ħoloq il-kundizzjonijiet għall-vantaġġ selettiv li jirriżulta mid-Deċiżjoni kif spjegat fil-premessi 110 et seq.

(119)

Barra minn hekk, jekk ir-Rumanija timplimenta b’mod volontarju d-Deċiżjoni billi tħallas il-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, ma hemm l-ebda dubju li dik l-azzjoni tkun imputabbli lill-Istat Rumen. Hu x’inhu, dak huwa l-każ għall-porzjon tal-kumpens mogħti lir-rikorrenti bid-Deċiżjoni li r-Rumanija paċiet kontra t-taxxi dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, jiġifieri S.C. European Food S.A, lill-awtoritajiet Rumeni. Dak huwa l-każ ukoll meta r-Rumanija ddeċidiet li tħallas volontarjament il-kumpens pendenti mogħti mit-Tribunal.

(120)

Fl-aħħar nett, kull azzjoni tal-organi Statali tar-Rumanija hija imputabbli lir-Rumanija. Dawk l-organi Statali jinkludu l-gvern tal-Istat Membru u awtoritajiet pubbliċi oħra. B’mod partikolari, anki l-qrati nazzjonali ta’ Stat u l-eżekuturi u l-marixxalli maħtura mill-qorti għandhom jitqiesu bħala organi ta’ dak l-Istat u għalhekk huma marbuta skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea bl-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni sinċiera fir-rigward tal-Unjoni. Għalhekk, l-azzjonijiet tal-qrati domestiċi u tal-eżekuturi u l-marixxalli maħtura mill-qorti huma imputabbli lill-Istat Rumen, sabiex jekk ir-Rumanija tkun sfurzata tikkumpensa lir-rikorrenti skont id-Deċiżjoni bl-azzjoni tal-qrati jew l-eżekuturi u l-marixxalli maħtura mill-qorti tagħha, dik l-azzjoni tkun imputabbli wkoll lill-Istat Rumen. Id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi biss eżenzjoni dejqa minn dan il-prinċipju ġenerali tal-imputabbiltà: miżura ma tkunx imputabbli lil Stat Membru jekk dak l-Istat Membru jkun obbligat bid-dritt tal-Unjoni li jimplimenta dik il-miżura mingħajr l-ebda diskrezzjoni. F’dak il-każ, il-miżura toħroġ minn att tal-leġislatura tal-Unjoni u ma tkunx imputabbli lill-Istat. Madankollu, m’hemmx dubju li r-Rumanija mhijiex obbligata bid-dritt tal-Unjoni li timplimenta d-Deċiżjoni. Kwalunkwe deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jew eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, sew jekk tittieħed mill-gvern Rumen jew mill-qrati domestiċi tar-Rumanija, għalhekk hija imputabbli lill-Istat Rumen.

(121)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura hija imputabbli lir-Rumanija.

Distorsjoni tal-Kompetizzjoni u l-Effett fuq il-Kummerċ

(122)

Miżura mogħtija mill-Istat titqies li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni meta tkun probabbli li ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarju meta mqabbel ma’ impriżi oħra li jikkompeti magħhom (77). Għar-raġunijiet prattiċi kollha, għalhekk tiġi preżunta distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107 tat-Trattat malli l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f’settur liberalizzat fejn hemm, jew jista’ jkun hemm, kompetizzjoni. Vantaġġ mogħti lil impriża, li wassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, normalment ikun probabbli wkoll li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat meta miżura ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-impriża benefiċjarja meta mqabbel ma’ impriżi oħra li jikkompetu f’kummerċ intra-Komunitarju (78).

(123)

Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet (ara l-premessa 81 u dawk sussegwenti) li r-rikorrenti flimkien jiffurmaw unità ekonomika unika, li min-naħa tagħha tifforma l-impriża rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Dik l-impriża hija attiva f’suq liberalizzat, billi tikkompeti ma’ impriżi oħra. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-ħlas tal-kumpens lir-rikorrenti, bl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, itejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom meta mqabbel ma’ impriżi oħra li magħhom jikkompetu, li ma rċevewx kumpens simili għall-irtirar tal-għajnuna illegali mill-Istat. Il-kumpens previst mid-Deċiżjoni huwa bbażat fuq ammont li jikkorrispondi għad-dazji doganali ċċarġjati fuq il-materja prima, il-profitti mitlufa u l-imgħax fuq is-somma totali tad-danni mogħtija. L-ispejjeż tal-materja prima, bħala inputs għall-prodotti finali, jikkostitwixxu spejjeż operatorji ordinarji tal-impriżi. Il-ħelsien tal-applikanti minn parti mill-ispejjeż operatorji ordinarji jagħtihom vantaġġ kompetittiv ċar, bħalma jagħmel il-kumpens lill-applikanti għall-profitti mitlufa u l-pagament tal-imgħax. Ir-rikorrenti huma involuti fil-manifattura ta’ prodotti tal-ikel, prodotti tat-tħin, u imballaġġ tal-plastik. Jeżisti suq liberalizzat għal dawk il-prodotti kollha, u għalhekk kwalunkwe vantaġġ mogħti lir-rikorrenti huwa probabbli li jwassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni. Billi l-prodotti magħmula prinċipalment mir-rikorrenti jistgħu u fil-fatt jiġu nnegozjati b’mod estensiv bejn l-Istati Membri, huwa ċar li kwalunkwe vantaġġ mogħti lir-rikorrenti huwa probabbli wkoll li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(124)

Il-Kummissjoni tinnota li l-argumenti tar-rikorrenti li jiċħdu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni sempliċement jirrepetu l-affermazzjonijiet li l-aħwa Micula ma jistgħux jitqiesu bħala impriżi u li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ma tagħti l-ebda vantaġġ lir-rikorrenti. Iż-żewġ affermazzjonijiet diġà ġew indirizzati b’mod estensiv aktar ‘il fuq (ara l-premessi 81 et seq u 92 et seq) u m’għandhomx bżonn aktar kummenti.

Konklużjoni

(125)

Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jammonta għal għajnuna mill-Istat għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

7.2.   L-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi mħarsa bl-Artikolu 351 tat-Trattat

(126)

L-Artikolu 351 tat-Trattat jipprovdi li “[i]d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn ftehim konklużi […] għal Stati li jingħaqdu, qabel id-data tal-adeżjoni, bejn Stat Membru wieħed jew aktar u Stat mhux membru wieħed jew aktar, m’għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati.” Fil-każ preżenti, id-drittijiet u l-obbligi li jibbażaw fuqhom ir-rikorrenti huma dawk li joħorġu mill-BIT.

(127)

Mill-mod kif inhu miktub l-Artikolu 351 tat-Trattat huwa ċar li dan ma japplikax fil-każ preżenti, billi l-BIT huwa trattat konkluż bejn żewġ Stati Membri tal-Unjoni, l-Isvezja u r-Rumanija, u mhux trattat “bejn Stat Membru wieħed jew aktar u Stat mhux membru wieħed jew aktar”. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-każ preżenti ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi protetti bl-Artikolu 351 tat-Trattat.

(128)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar li skont id-dritt tal-Unjoni japplikaw regoli differenti għall-BITs intra-UE, fuq naħa, u l-BITs konklużi bejn Stat Membru tal-Unjoni u pajjiż terz, fuq in-naħa l-oħra. Fil-każ tal-BITs intra-UE, il-Kummissjoni tqis li tali ftehimiet imorru kontra d-dritt tal-Unjoni, mhumiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati tal-Unjoni u għalhekk għandhom jitqiesu bħala mhux validi. B’kuntrast, il-BITs konklużi bejn Stat Membru tal-Unjoni u pajjiż terz huma regolati bir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (79) li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi sakemm dawk l-arranġamenti jiġu progressivament sostitwiti bi ftehimiet tal-Unjoni dwar l-istess suġġett, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni li taħtha jaqa’ l-investiment dirett barrani (80).

(129)

Ir-Rumanija hija wkoll parti għall-Konvenzjoni multilaterali dwar l-ICSID, li aderiet fiha qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni. Madankollu, billi l-ebda Parti Kontraenti ta’ pajjiż terz għall-Konvenzjoni dwar l-ICSID ma hija parti għall-BIT involut fil-proċedimenti preżenti, l-Artikolu 351 mhuwiex rilevanti għal dan il-każ.

7.3.   Għajnuna Ġdida

(130)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jipprovdi li l-għajnuna mill-Istat, fil-prinċipju, mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Sakemm miżura ta’ għajnuna ma tkunx iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, l-Istati Membri huma pprojbiti milli jdaħħlu fis-seħħ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, Stat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe pjan biex jibdel jew jagħti għajnuna u m’għandux idaħħal fis-seħħ il-miżura proposta tiegħu sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni finali dwar il-kompatibbiltà ta’ dik il-miżura mas-suq intern.

(131)

L-obbligu li ma tiddaħħal fis-seħħ l-ebda miżura ta’ għajnuna mingħajr deċiżjoni finali mill-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dik il-miżura ta’ għajnuna japplika biss, naturalment, għal miżuri ta’ għajnuna mdaħħla fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat għall-Istat Membru kkonċernat. Għar-Rumanija, it-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

(132)

Ir-rikorrenti ma jaqblux li l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tikkostitwixxi “għajnuna ġdida” fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999. Huma jsostnu li anki jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija korretta quod non u l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tikkostitwixxi għajnuna, id-data tal-għoti ta’ dik l-għajnuna tkun l-għoti inizjali tal-benefiċċji skont l-EGO 24 lir-rikorrenti, li seħħ fl-2000 u fl-2002 u għalhekk qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. Skont ir-rikorrenti, l-aħħar mument li jista’ jitqies bħala d-data tal-għoti huwa d-dħul fis-seħħ tal-BIT, u li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni, u li daħal fis-seħħ fl-2003.

(133)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mar-rikorrenti u tqis li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, permezz tal-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, jammonta għal għajnuna ġdida u għalhekk huwa soġġett għall-mekkaniżmu ta’ kontroll sħiħ tal-għajnuna mill-Istat stabbilit fl-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, l-għajnuna trid titqies li tingħata fiż-żmien li jingħata dritt inkondizzjonat lill-benefiċjarju sabiex jirċeviha skont ir-regoli nazzjonali applikabbli. (81) Lanqas l-adozzjoni tal-EGO 24 fit-2 ta’ Ottubru 1998, jew id-deżinjazzjoni ta’ Ștei-Nucet, kontea ta’ Bihor, bħala reġjun żvantaġġat għal 10 snin (effettiva fl-1 ta’ April 1999), jew l-għoti ta’ ċertifikati ta’ investitur permanenti lil S.C. European Food S.A. (fl-1 ta’ Ġunju 2000) u S.C. Starmill S.R.L. u S.C. Multipack (fis-17 ta’ Mejju 2002) ma jagħtu lir-rikorrenti dritt inkondizzjonat li jiksbu l-Faċilità għall-Materja Prima sal-1 ta’ April 2009. Pjuttost, id-dritt għal dik il-Faċilità nkiseb biss minn kumpanija eliġibbli għall-għajnuna skont l-iskema stabbilita bl-EGO 24:

taħt l-iskema inizjali stabbilita bl-EGO 24: meta l-aġenzija għall-iżvilupp reġjonali approvat id-dokumenti tal-bejgħ għall-produzzjoni tal-kumpanija, li jattestaw li kienet seħħet importazzjoni ta’ materja prima maħsuba biex tiġi integrata fil-produzzjoni interna, li tagħti d-dritt għal rimborż tad-dazji doganali mħallsa (82); u

wara li l-Faċilità għall-Materja Prima tal-EGO 24 kienet trasformata f’eżenzjoni mid-dazji doganali skont l-EGO 75: meta kumpanija eliġibbli għall-għajnuna taħt dik l-iskema impurtat materja prima sabiex tiġi integrata fil-produzzjoni interna u talbet l-eżenzjoni mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-fruntieri abbażi ta’ dokumenti ġustifikati kif għandu jkun.

(134)

Billi l-iskema stabbilita bl-EGO 24, kif modifikata bl-EGO 75, kienet revokata fit-22 ta’ Frar 2005, ma seta’ jinkiseb id-dritt għall-għajnuna mill-ebda kumpanija wara dik id-data skont il-qafas regolatorju nazzjonali billi tiġi impurtata materja prima fir-Rumanija biex tiġi integrata fil-produzzjoni interna. Għalhekk, it-talba tal-applikanti għal kumpens mill-Istat Rumen toħroġ biss mid-Deċiżjoni flimkien mal-liġi domestika Rumena li tagħtiha effett legali fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija. Billi d-Deċiżjoni ngħatat u tirriskja li tiġi implimentata jew esegwita wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, id-dritt inkondizzjonat skont il-liġi domestika Rumena għar-riċeviment tal-kumpens mogħti mit-Tribunal, li jirriżulta mir-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-ISCID li tintegrah fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija u b’hekk tagħti lid-Deċiżjoni effett legali fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija, ingħata lir-rikorrenti biss wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni.

(135)

F’dan ir-rigward huwa importanti wkoll li jiġi nnotat li d-Deċiżjoni tagħti lir-rikorrenti kumpens f’ammont li jikkorrispondi għall-vantaġġi previsti skont il-Faċilità għall-Materja Prima abolita tal-iskema tal-EGO 24 mill-mument li dik il-leġislazzjoni kienet revokata (22 ta’ Frar 2005) sal-allegata skadenza skedata tagħha (1 ta’ April 2009). Dak il-perjodu jinkludi ftit aktar minn 49 xahar, li matul il-biċċa l-kbira tagħhom (27 xahar), ir-Rumanija kienet membru sħiħ tal-Unjoni direttament soġġetta għad-dixxiplina dwar l-għajnuna mill-Istat kif stipulata fit-Trattat. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tagħti lir-rikorrenti kumpens għall-opportunità mitlufa li jaħżnu għal quddiem iz-zokkor fl-2009, fuq is-suppożizzjoni li t-telf konness sar bejn il-31 ta’ Marzu 2009 u l-1 ta’ Lulju 2010. Dan l-allegat telf għalhekk sar kollu wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni fl-2007. Fl-aħħar nett, it-Tribunal ta kumpens għall-profitti mitlufa, billi kkunsidra l-allegat telf imġarrab bejn l-1 ta’ Jannar 2005 u l-31 ta’ Awwissu 2011. Dak il-perjodu jinkludi 80 xahar, li matul il-biċċa l-kbira tagħhom (56 xahar), ir-Rumanija kienet membru sħiħ tal-Unjoni direttament soġġetta għad-dixxiplina dwar l-għajnuna mill-Istat kif stipulata fit-Trattat.

(136)

Fl-aħħar nett, l-iskema ta’ inċentivi tal-EGO 24 mhijiex imsemmija fl-Anness V, kapitolu 2, Nru 1 tal-Att ta’ Adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni, li jelenka b’mod eżawrjenti l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jkunu kkunsidrati bħala għajnuna eżistenti mal-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni (83)  (84).

(137)

Il-fatt li la l-Att ta’ Adeżjoni u lanqas it-Trattat ma kienu applikabbli għar-Rumanija fiż-żmien meta r-Rumanija allegatament kisret l-obbligi tagħha skont il-BIT billi rrevokat l-iskema ta’ għajnuna stabbilita bl-EGO 24 jew meta r-rikorrenti ressqu t-talbiet tagħhom skont il-BIT quddiem it-Tribunal, huwa irrilevanti. Ir-rikorrenti fl-ebda punt ma kisbu dritt inkondizzjonat għall-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal, li huwa l-miżura li qiegħda tiġi kkunsidrata. Huwa biss meta t-Tribunal stabbilixxa li kien hemm ksur tal-Artikolu 2(3) tal-BIT billi ta d-Deċiżjoni fil-11 ta’ Diċembru 2013, flimkien mal-liġi domestika Rumena li tagħti effett legali fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija lid-Deċiżjoni, li r-rikorrenti rċevew dritt inkondizzjonat għal dak il-kumpens li huma setgħu jinfurzaw kontra r-Rumanija. Dik id-data kienet wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea.

(138)

Il-każ tar-rikorrenti għalhekk mhuwiex komparabbli mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 380/04 li għaliha jirreferu. Il-Kawża N 380/04 kienet tirrigwarda kuntratt konkluż bejn il-kumpanija Latvijas Gāze (“LG”) u l-Latvja 1997. Meta nqalgħet tilwima bejn LG u l-Latvja fuq l-obbligi ta’ din tal-aħħar skont il-kuntratt, inbdew proċedimenti ta’ arbitraġġ kummerċjali fi Stokkolma skont ir-regoli tal-UNCITRAL. It-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit għal dawk il-proċedimenti, fid-19 ta’ Ġunju 2003 iddeċieda li l-Latvja kellha tħallas kumpens lil LG għall-perjodu mill-10 ta’ Jannar 2001 sal-10 ta’ Marzu 2003. Il-Latvja ma kkonformatx mad-deċiżjoni tal-arbitraġġ qabel l-adeżjoni tagħha fl-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 u nnotifikat l-implimentazzjoni prevista ta’ dik id-deċiżjoni lill-Kummissjoni wara l-adeżjoni. Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni osservat li l-obbligu ta’ kumpens irriżulta fuq il-bażi tal-kuntratt tal-1997, li l-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ kien jirrigwarda fl-intier tiegħu perjodu qabel l-adeżjoni tal-Latvja, u li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ innifisha nħarġet qabel l-adeżjoni tal-Latvja fl-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li “il-pagament […] tad-danni mogħtija mit-Tribunal […] jikkostitwixxi sempliċement att ta’ implimentazzjoni ta’ miżura li mmaterjalizzat kompletament qabel l-adeżjoni” u li l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ tal-2003 ma tistax titqies li tikkostitwixxi “għajnuna ġdida”. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N 380/04 innifisha turi li hija ma ppreġudikatx l-analiżi ta’ pagamenti futuri possibbli skont il-kuntratt li kienu jirrigwardaw perjodi ta’ wara l-adeżjoni, u b’hekk ftit illimitat l-approċċ magħżul għall-fatti speċifiċi nnotifikati mil-Latvja.

(139)

B’kuntrast, fil-każ preżenti, l-obbligu ta’ kumpens joħroġ mid-Deċiżjoni, li ngħatat fl-2013, il-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jirrigwarda fil-biċċa l-kbira l-perjodu ta’ wara l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni u d-Deċiżjoni nnifisha nħarġet kważi seba’ snin wara li r-Rumanija ssieħbet fl-Unjoni. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni fil-Kawża N 380/04 hija differenti b’mod ċar mill-każ preżenti billi fl-ewwel każ ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li bl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni b’arbitraġġ tal-2003, LG kienet se tikseb għajnuna illegali mill-Istat li l-Latvja kienet wiegħdet li tagħti kuntrarju għall-obbligi tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat bħala pajjiż kandidat li se jissieħeb fl-Unjoni.

(140)

Il-Kummissjoni għalhekk issib li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jikkostitwixxi għajnuna ġdida u li dik il-miżura tista’ tiddaħħal fis-seħħ biss jekk u wara li l-Kummissjoni tkun awtorizzatha skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

7.4.   Illegalità skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat

(141)

Il-kumpens mogħti mit-Tribunal diġà ġie parzjalment imħallas mir-Rumanija lir-rikorrenti permezz tat-tpaċija ta’ ċerti djun tat-taxxa dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, S.C. European Food S.A., lill-Istat Rumen. Billi dik l-implimentazzjoni parzjali tad-Deċiżjoni ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni mir-Rumanija, il-miżura ddaħħlet fis-seħħ b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Kwalunkwe pagament ulterjuri tal-kumpens mogħti mit-Tribunal, bl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni jew ma tafx bih jew li jista’ jseħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, għall-istess raġunijiet ikun jikkostitwixxi wkoll ksur tal-obbligu tar-Rumanija li tikkonforma mal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

7.5.   Kompatibbiltà mas-suq intern

(142)

Mill-bidu, il-Kummissjoni tfakkar li meta tkun qiegħda tiġi valutata l-kompatibbiltà ta’ miżura mas-suq intern skont l-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-Trattat, l-oneru tal-provi huwa r-responsabbiltà prinċipali tal-Istat Membru (85). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tfakkar ukoll li miżura ta’ għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern, jekk tinvolvi ksur inseparabbli ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tat-Trattat (86). Fil-preżent, ir-Rumanija ma ppreżentat l-ebda argument li jista’ jiġġustifika l-miżura skont l-Artikoli 107(2) u 107(3) tat-Trattat. Madankollu, għall-benefiċċju tal-kompletezza, il-Kummissjoni tħoss li huwa xieraq li twettaq valutazzjoni tal-kompatibbiltà fuq inizjattiva proprja tagħha.

(143)

Ir-rikorrenti jsostnu li l-miżura tikkostitwixxi għajnuna reġjonali kompatibbli. Fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(a) u 107(3)(c) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra bħala kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat sabiex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti żoni żvantaġġati fi ħdan l-Unjoni. Il-kundizzjonijiet li fihom għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern huma stabbiliti fil-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-perjodu 2014–2020 (“RAG 2014”). Il-premessa 188 ta’ dawk il-Linji gwida tispjega li dawn japplikaw għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna reġjonali kollha maħsuba biex tingħata wara t-30 ta’ Ġunju 2014. Dan ifisser li l-għajnuna reġjonali mogħtija b’mod illegali jew l-għajnuna reġjonali maħsuba sabiex tingħata qabel l-1 ta’ Lulju 2014 għandha tiġi valutata skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (87) (“RAG 2007”).

(144)

Kif spjegat fil-premessa 134, ir-rikorrenti ngħataw dritt inkondizzjonat għall-għajnuna meta nħarġet id-Deċiżjoni fil-11 ta’ Diċembru 2013, flimkien mal-liġi domestika Rumena li tagħti effett legali fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija lid-Deċiżjoni, jiġifieri, qabel id-dħul fis-seħħ tar-RAG 2014. Għalhekk, il-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti għandu jiġi valutat skont ir-RAG 2007.

(145)

F’dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni tistabbilixxi li għajnuna reġjonali mmirata sabiex tnaqqas l-ispejjeż kurrenti ta’ impriża, tikkostitwixxi għajnuna operatorja u mhux se titqies bħala kompatibbli mas-suq intern, sakemm ma tingħatax f’ċirkustanzi eċċezzjonali biex tindirizza diffikultajiet speċifiċi ffaċċjati minn impriżi f’reġjuni żvantaġġati li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat. (88)

(146)

Fil-każ preżenti, il-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jirreferi għat-telf direttament marbut mar-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24 u huwa mmirat biex ipoġġi lill-benefiċjarju fil-pożizzjoni li “b’kull probabbiltà” kien isib ruħu fiha kieku ma kinux revokati l-inċentivi tal-EGO 24. Fil-fatt, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni li r-rikorrenti, b’kull probabbiltà, kienu jkunu fiha kieku r-Rumanija ma rrevokatx l-EGO 24. Billi l-vantaġġi mogħtija taħt l-EGO 24 kienu marbuta mal-ispejjeż rikorrenti tar-rikorrenti u ma kinux marbuta ma’ investiment inizjali, dawk il-vantaġġi kienu jikkostitwixxu għajnuna operatorja. Għalhekk, it-tqegħid tal-benefiċjarju fil-pożizzjoni li kien ikun fiha kienu ma kinux revokati l-inċentivi tal-EGO 24 u għalhekk il-kumpens għat-telf marbut ma’ din ir-revoka, jikkostitwixxi għajnuna operatorja. Kif spjegat fil-premessi 92 et seq, il-pagament tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, fir-realtà b’mod retroattiv, inaqqas l-ispejjeż operatorji mġarrba minnhom fit-twettiq tal-attività ekonomika tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq normali.

(147)

Skont il-punti 76, 77 u 79 tar-RAG 2007, l-għajnuna operatorja ġeneralment hija pprojbita, u tista’ tingħata biss b’mod eċċezzjonali f’reġjuni tal-Artikolu 107(3)(a) bil-kundizzjoni li:

tkun iġġustifikata f’termini tal-kontribut tagħha għall-iżvilupp reġjonali (immirata);

in-natura tagħha u l-livell tagħha jkunu proporzjonali għad-diffikultajiet li tkun qiegħda tfittex li ttaffi;

tkun temporanja u tonqos maż-żmien, u għandha tiġi eliminata b’mod gradwali meta r-reġjuni kkonċernati jiksbu konverġenza reali maż-żoni aktar sinjuri tal-UE;

fil-prinċipju tingħata fir-rigward ta’ sett predefinit ta’ nefqiet jew spejjeż eliġibbli u tkun limitata għal ċertu proporzjon ta’ dawk l-ispejjeż;

l-Istat Membru jkun impenja ruħu li jirrispetta regoli dettaljati tar-rappurtaġġ, kif stabbiliti fil-punt 83 tar-RAG 2007.

(148)

L-attivitajiet ekonomiċi li jibbenefikaw mill-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni jinsabu f’żona li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, kif stabbilit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-mappa tal-għajnuna reġjonali għar-Rumanija għas-snin 2007-2013 (89) u għas-snin 2014-2020 (90).

(149)

Madankollu, il-Kummissjoni ma tarax kif il-ħlas tal-kumpens mogħti lir-rikorrenti huwa ġustifikat f’termini tal-kontribut għall-iżvilupp reġjonali taż-żoni kkonċernati. L-għajnuna operatorja li tirriżulta minn dak il-pagament mhijiex immirata sabiex tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ ekwità komuni kif meħtieġ skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat, iżda sempliċement biex tikkumpensa lill-benefiċjarju għat-telf imġarrab mir-revoka tal-EGO 24 qabel id-data ta’ skadenza prevista tagħha. Dan jirriżulta fi flus b’xejn għar-rikorrenti mingħajr l-ebda impatt pożittiv għall-iżvilupp tar-reġjun.

(150)

Mhuwiex biżżejjed li l-attività ekonomika tkun qiegħda f’“żona” sabiex jiġi preżunt li l-miżura hija proporzjonali għall-iżvantaġġi li tkun qiegħda tfittex li ttaffi, billi l-ewwel nett irid jintwera x’inhuma dawn l-iżvantaġġi u t-tieni, kif dawn joħolqu ostakolu għall-iżvilupp tar-reġjun ikkonċernat. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova, il-Kummissjoni ma setgħetx tidentifika l-iżvantaġġi speċifiċi li l-miżuri ta’ għajnuna kienu se jfittxu li jtaffu.

(151)

Il-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti huwa ta’ natura temporanja, billi m’għandux effetti wara li titlesta l-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni. Madankollu, mhuwiex limitat għal ċertu porzjon ta’ spejjeż predefiniti, billi dak il-kumpens huwa mmirat sabiex jassigura li jiġi kopert it-telf kollu mġarrab mir-rikorrenti.

(152)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti ma jikkonformax mar-RAG 2007 u għalhekk ma jistax jiġi ddikjarat bħala kompatibbli mas-suq intern. Billi ma hija applikabbli l-ebda bażi oħra ta’ kompatibbiltà, il-Kummissjoni tqis li l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna ma ġietx stabbilita.

7.6.   Konklużjoni dwar il-valutazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna

(153)

L-analiżi ta’ hawn fuq tindika li l-ħlas tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jammonta għall-għoti ta’ għajnuna inkompatibbli ġdida li mhijiex kompatibbli mat-Trattat. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li r-Rumanija diġŕ ħallset parzjalment dak il-kumpens billi paċiet djun tat-taxxa dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, S.C. European Food S.A., lill-Istat Rumen kontra parti minn dak il-kumpens, kif ukoll bl-azzjoni meħuda mill-eżekutur maħtur mill-qorti.

8.   RKUPRU

(154)

Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-QtĠ-UE, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta jsib li mhijiex kompatibbli mas-suq intern (91). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu ta’ Stat Membru li jabolixxi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern, huwa maħsub sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel (92). F’dan il-kuntest, il-Qorti sostniet li dak l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta’ għajnuna illegali, u b’hekk iċedi l-vantaġġ li kien gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ qabel il-pagament tal-għajnuna (93). Billi jsegwi dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jipprovdi li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju. […]”

(155)

Ir-rikorrenti jsostnu li huma kellhom aspettattiva leġittima li l-inċentivi mogħtija bl-EGO 24 kienu legali u li setgħu jibbenefikaw minn dawk l-inċentivi sal-iskadenza skedata tagħhom fl-1 ta’ April 2009. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jispeċifika wkoll li “[i]l-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru tal-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-[Unjoni].” Il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kien rikonoxxut mill-QtĠ-UE bħala li jikkostitwixxi tali prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ma tqisx, madankollu, li r-rikorrenti jistgħu jippretendu tali aspettattiva leġittima.

(156)

Skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-impriżi li lilhom tkun ingħatat għajnuna ma jistgħux, fil-prinċipju, ikollhom aspettattiva leġittima li l-għajnuna hija legali sakemm din ma tkunx ingħatat f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Fil-ġurisprudenza aktar riċenti tagħha, il-QtĠ-UE ddikjarat li fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva meħuda mill-Kummissjoni, li għandha l-kompetenza esklużiva sabiex tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat mill-Istati Membri tal-Unjoni, li jwasslu lill-benefiċjarju biex jemmen li l-miżura ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat, l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali ma tista’ tiġġustifika l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jiġi evitat l-irkupru jekk dik il-miżura ta’ għajnuna ma kinitx innotifikata lill-Kummissjoni (94). Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jintuża kontra dispożizzjoni preċiża tad-dritt tal-Unjoni u li l-imġiba ta’ awtorità nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li taġixxi bi ksur ta’ dak id-dritt, ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi min-naħa ta’ operatur ekonomiku li huwa se jibbenefika minn trattament li jmur kontra dak id-dritt (95). Operatur ekonomiku diliġenti jrid jiġi preżunt li kapaċi jistabbilixxi jekk kinitx segwita dik il-proċedura (96).

(157)

Il-Kummissjoni tinnota li, fir-rigward tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti, kellu jkun ċar mingħajr l-ebda dubju għar-rikorrenti anki qabel ma ngħataw dik l-għajnuna bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni, flimkien mal-liġi domestika Rumena li tagħti effett legali lid-Deċiżjoni fl-ordni legali domestiku tar-Rumanija, li l-Kummissjoni kienet tqis li l-ħlas ta’ dak il-kumpens iwassal għal għajnuna mill-Istat li hija illegali u mhux kompatibbli. Dik il-pożizzjoni kienet ikkomunikata b’mod ċar lit-Tribunal fl-20 ta’ Lulju 2009 u kkomunikata lir-rikorrenti.

(158)

Rigward l-affermazzjoni tar-rikorrenti li huma kellhom aspettattiva leġittima li l-EGO 24 kienet legali u kienet se tibqa’ fis-seħħ sal-1 ta’ April 2009, il-Kummissjoni tfakkar, bħala kwistjoni preliminari, li huwa l-pagament tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti u mhux l-EGO 24, li jifforma l-bażi għal din id-Deċiżjoni. Madankollu, il-Kummissjoni żżid, għall-benefiċċju tal-kompletezza, li r-rikorrenti ma jistgħux b’mod ġustifikat jitolbu aspettattiva leġittima rigward il-validità u l-eżistenza ssoktata ta’ dik l-iskema sal-1 ta’ April 2009. Rigward dik l-iskema, ma kinitx il-Kummissjoni, iżda l-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni, li, bis-saħħa tad-Deċiżjoni Nru 4/2000 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija u l-Liġi Rumena Nru 143/1999 dwar l-għajnuna mill-Istat, kien responsabbli għall-monitoraġġ u l-awtorizzazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat qabel l-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-EGO 24 kienet innotifikata lill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni fid-dawl tal-modifiki previsti mill-EGO 75 u li l-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni, bid-Deċiżjoni tiegħu Nru 244/2000 tal-15 ta’ Mejju 2000, sab li dawk l-inċentivi jikkostitwixxu għajnuna inkompatibbli mill-Istat. Kien wara l-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, fl-1 ta’ Ġunju 2000, li S.C. European Food S.A kisbet il-PIC tagħha, li għamilha eliġibbli biex tikseb għajnuna mill-Istat skont l-iskema stabbilita bl-EGO 24 kif spjegat fil-premessa 133. Madankollu, dak ma jfissirx li l-għajnuna ngħatat f’dik id-data, kif spjegat fil-premessa 134.

(159)

Minn dan isegwi li fiż-żmien li S.C. European Food S.A ngħatat l-għajnuna illegali mill-Istat prevista bl-EGO 24, li fi kwalunkwe każ huwa wara l-1 ta’ Ġunju 2000, hija kellha tkun taf bid-deċiżjoni tal-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni tal-15 ta’ Mejju 2000 li ddikjarat l-inċentivi tal-EGO 24 bħala għajnuna inkompatibbli mill-Istat. Barra minn hekk, hija kellha tkun taf ukoll bil-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995, u l-Liġi Rumena Nru 143/1999 dwar l-għajnuna mill-Istat, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2000, li t-tnejn kienu jipprojbixxu lir-Rumanija milli tagħti għajnuna mill-Istat u taw is-setgħa lill-Kunsill Rumen għall-Kompetizzjoni biex jawtorizza l-għoti ta’ għajnuna ġdida mill-Istat. Fin-nuqqas ta’ tali awtorizzazzjoni mill-Kunsill għall-Kompetizzjoni u skont il-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE, li kienet tapplika bis-saħħa tal-Artikolu 64 tal-Ftehim Ewropew ta’ assoċjazzjoni tal-1995, l-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għad-Deċiżjoni Nru 4/2000 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija u l-acquis communautaire, S.C. European Food S.A qatt ma seta’ jkollha aspettattiva leġittima li l-inċentivi mogħtija bl-EGO 24 kienu jikkostitwixxu għajnuna kompatibbli mill-Istat, irrispettivament mill-azzjonijiet sussegwenti tal-Gvern Rumen wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 244/2000. L-istess raġunament ovvjament japplika għal Multipack u Starmill, li kisbu biss il-PICs tagħhom fis-17 ta’ Mejju 2002, sentejn wara li kienet adottata d-Deċiżjoni Nru 244/2000. Għalhekk, ir-rikorrenti lanqas biss jistgħu jsostnu aspettattiva leġittima li l-iskema tal-EGO 24 kienet tikkostitwixxi għajnuna legali mill-Istat, li l-Kummissjoni tqis bħala irrelevanti għall-finijiet tad-Deċiżjoni preżenti.

(160)

Għalhekk, kwalunkwe pagament tal-kumpens mogħti mit-Tribunal lir-rikorrenti jrid jiġi rkuprat mir-Rumanija billi dak il-pagament jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija illegali u inkompatibbli. Billi l-ħames rikorrenti, flimkien mal-kumpaniji rilevanti l-oħra tal-EFDG jikkostitwixxu unità ekonomika unika (ara l-premessa 91), il-ħames rikorrenti u l-kumpaniji rilevanti l-oħra tal-EFDG għandhom ikunu flimkien responsabbli biex iħallsu lura lill-Istat Rumen l-għajnuna mill-Istat riċevuta minn kwalunkwe wieħed minnhom. Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax b’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha. L-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jipprovdi li l-irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u skont il-proċeduri taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, bil-kundizzjoni li dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward u fil-każ ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarja li jkunu disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, inklużi miżuri provviżorji, mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni.

(161)

F’dan ir-rigward il-Kummissjoni tosserva li r-Rumanija diġà paċiet l-ammont ta’ RON 337 492 864 (madwar EUR 76 miljun (97)) kontra d-djun tat-taxxa dovuti minn wieħed mir-rikorrenti, S.C. European Food S.A. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li fil-5 ta’ Jannar 2015, l-eżekutur maħtur mill-qorti qabad RON 36 484 232 (madwar EUR 8,1 miljun (98)) mill-Ministeru tal-Finanzi tar-Rumanija u sussegwentement ittrasferixxa RON 34 004 232 (madwar EUR 7,56 miljun) f’partijiet indaqs lil tlieta mill-ħames rikorrenti, u żamm il-bqija bħala kumpens għall-ispejjeż tal-eżekuzzjoni. Bejn il-5 ta’ Frar u l-25 ta’ Frar 2015, l-eżekutur maħtur mill-qorti qabad RON 9 197 482 (madwar EUR 2 miljun) (99) oħra mill-kontijiet tal-bank tal-Ministeru tal-Finanzi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Rumeni ttrasferew b’mod volontarju RON 472 788 675 (madwar EUR 106,5 miljun (100)) (inklużi l-ispejjeż tal-eżekutur maħtur mill-qorti li jammontaw għal RON 6 028 608) f’kont imblukkat f’isem il-ħames rikorrenti. Dawn l-ammonti, kif ukoll kwalunkwe pagament ieħor lir-rikorrenti li seħħ jew li se jseħħ bi twettiq tad-Deċiżjoni, iridu jiġu rkuprati mir-Rumanija. Għalhekk, il-Kummissjoni

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħlas tal-kumpens mogħti mit-tribunal tal-arbitraġġ stabbilit taħt il-patroċinju taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar Investiment (ICSID) bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013 fil-Kawża Nru ARB/05/20 Micula a.o. vs ir-Rumanija  (101) lill-unità ekonomika unika magħmula minn Viorel Micula, Ioan Micula, S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., S.C. Multipack, European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., u West Leasing S.R.L, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, li mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Ir-Rumanija ma għandha tħallas l-ebda għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 u għandha tirkupra kwalunkwe għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 li diġà tħallset lil xi waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-unità ekonomika unika li bbenefikat minn dik l-għajnuna fl-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni parzjali tad-deċiżjoni b’arbitraġġ tal-11 ta’ Diċembru 2013, kif ukoll kwalunkwe għajnuna mħallsa lil xi waħda mill-entitajiet li jikkostitwixxu l-unità ekonomika unika li bbenefikat minn dik l-għajnuna fl-implimentazzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni b’arbitraġġ tal-11 ta’ Diċembru 2013 li l-Kummissjoni ma kinitx mgħarrfa biha jew li tħallset wara d-data ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Viorel Micula, Ioan Micula, S.C. European Food S.A., S.C. Starmill S.R.L., S.C. Multipack, European Drinks S.A., Rieni Drinks S.A., Scandic Distilleries S.A., Transilvania General Import-Export S.R.L., u West Leasing S.R.L għandhom ikunu flimkien responsabbli biex iħallsu lura l-għajnuna mill-Istat riċevuta minn kwalunkwe wieħed minnhom.

3.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati huma dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni jew l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013 (prinċipal u mgħax).

4.   L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom iġorru mgħax mid-data li fiha tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sal-irkupru attwali tagħhom.

5.   Ir-Rumanija għandha tipprovdi d-dati eżatti li fihom l-għajnuna pprovduta mill-Istat tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji rispettivi.

6.   L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (102).

7.   Ir-Rumanija għandha tassigura li ma jsirux aktar ħlasijiet tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Rumanija għandha tassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, ir-Rumanija għandha tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ammont totali ta’ għajnuna riċevuta minn kull entità msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji kienu ordnati jħallsu lura l-għajnuna.

2.   Ir-Rumanija għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex timplimenta din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1. Hija għandha tissottometti immedjatament, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata rigward l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax fuq l-irkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 87, u 88 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 107 u 108, tat-Trattat, rispettivament. Fis-sustanza, iż-żewġ settijiet ta’ Artikoli huma identiċi. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE meta jkun xieraq. It-Trattat introduċa wkoll ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u s-“suq komuni” b’“suq intern”. It-terminoloġija tat-Trattat se tintuża tul din id-Deċiżjoni sħiħa.

(2)  ĠU C 393, 7.11.2014, p. 27.

(3)  Il-Kawża tal-ICSID Nru ARB/05/20, Ioan Micula, Viorel Micula, SC European Food SA, SC Starmill SRI, SC Multipack SRL vs ir-Rumanija, Deċiżjoni Finali tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(4)  Ir-rata tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-11 ta’ Diċembru 2013: EUR 1 = RON 4,45.

(5)  Il-BIT daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003.

(6)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(7)  Ir-rata tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-15 ta’ Jannar 2014:EUR 1 = RON 4,52.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(9)  Ara l-premessa 3.

(10)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2..

(11)  Kienu trasferiti RON 6 028 608 addizzjonali fil-kont imblukkat bħala kumpens għall-ispejjeż tal-eżekuzzjoni.

(12)  ĠU L 357, 31.12.1994, p. 2.

(13)  Ara wkoll l-Artikolu 2 tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni għad-Deċiżjoni Nru 4/2000 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija tal-10 ta’ April 2001 li tadotta r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikoli 64(1)(iii) u (2) skont l-Artikolu 64(3) tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Rumanija, min-naħa l-oħra, u fl-Artikolu 9(1)(iii) u (2) tal-Protokoll Nru 2 dwar prodotti tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) għal dak il-Ftehim (ĠU L 138, 22.5.2001, p. 16).

(14)  Monitorul Oficial, l-ewwel parti, Nru 73 tat-12 ta’ April 1993.

(15)  Il-Kunsill għall-Kompetizzjoni kien u huwa awtorità amministrattiva awtonoma fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, b’setgħat regolatorji u investigattivi, simili għall-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat.

(16)  L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kien awtorità speċjalizzata subordinata għall-gvern. Ir-responsabbiltajiet prinċipali tal-Uffiċċju kienu: (i) li jwettaq investigazzjonijiet u jeżamina l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet legali u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetizzjoni; (ii) li jissorvelja l-iffissar tal-prezzijiet mill-entitajiet pubbliċi u l-kumpaniji pubbliċi; u (iii) li jassigura t-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat, u li jimmonitorja u jirrapporta n-nefqa tal-għajnuna mill-Istat.

(17)  Bl-Artikolu 1 tar-regoli ta’ implimentazzjoni għad-Deċiżjoni Nru 4/2000, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Rumanija ħatar lill-Kunsill għall-Kompetizzjoni u l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni bħala l-entitajiet Rumeni responsabbli sabiex jeżaminaw u jivvalutaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mal-Ftehim Ewropew tal-1995.

(18)  Id-Deċiżjoni Ċivili Nru 26; ara d-Deċiżjoni, paragrafu 219.

(19)  Ara d-Deċiżjoni, paragrafu 224.

(20)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Novembru 2001, CONF-RO 43/01, p. 4. Matul il-proċess tal-adeżjoni ta’ pajjiż applikant, il-Kummissjoni tipproponi regolarment u l-Kunsill jadotta hekk imsejħa pożizzjonijiet komuni, li fihom jiġi evalwat il-progress tal-pajjiż kandidat lejn konformità mal-kriterji tal-adeżjoni.

(21)  Ir-Rapport ta’ Prova tal-Verità li jakkumpanja l-EGO 94/2004, 26 ta’ Awwissu 2004, pp. 12-13.

(22)  L-Artikolu 9(1) tal-BIT.

(23)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 725.

(24)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 827.

(25)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24.

(26)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 872.

(27)  Id-Deċiżjoni, paragrafi 875 et seq.

(28)  Dan l-ammont huwa kkalkulat għall-importazzjonijiet magħmula matul it-22 ta’ Frar 2005 u l-31 ta’ Marzu 2009.

(29)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 28.

(30)  Ir-rikorrenti talbu kumpens għall-prezz miżjud tal-PET. Madankollu, it-Tribunal irrifjuta din it-talba minħabba li r-rikorrenti fil-fatt qatt ma kienu bbenefikaw mill-Faċilità għall-Materja Prima fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-PET.

(31)  Dan l-ammont huwa kkalkulat abbażi tad-dazji doganali ċċarġjati fuq iz-zokkor impurtat u li kienu jiġu evitati, kieku r-rikorrent kellu l-opportunità li jaħżen għal quddiem iz-zokkor qabel l-iskadenza prevista tal-EGO (jiġifieri l-1 ta’ April 2009). Il-parametru referenzjarju huwa bbażat fuq il-ħażniet fl-2004/2005.

(32)  Il-profitti mitlufa huma kkalkulati fuq il-perjodu 2004-2008 għat-telf fl-ishma mis-suq tas-soft drinks u prodotti oħra li kien fihom iz-zokkor. L-argument huwa li wara r-revoka tal-inċentivi tal-EGO, żdiedu l-ispejjeż li wasslu għal prezzijiet ogħla u għalhekk għal ishma aktar baxxi mis-suq.

(33)  Il-Kawża Nru 3456/3/2014, Tribunal ta’ Bukarest.

(34)  L-Ordni maħruġa mit-Tribunal ta’ Bukarest fil-Kawża Nru 9261/3/2014, Sezzjoni IV Ċivili.

(35)  Il-Kawża Nru 15755/3/2014, Tribunal ta’ Bukarest, Sezzjoni III Ċivili.

(36)  Il-Kawża Nru 15755/3/2014/a1, Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, Sezzjoni IV Ċivili.

(37)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.

(38)  Ir-rata tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-5 ta’ Jannar 2015: EUR 1 = RON 4,49.

(39)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.

(40)  Ir-rata tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fid-9 ta’ Marzu 2015: EUR 1 = RON 4,44

(41)  Il-Kawża Nru 1-14-cv-600 Viorel Micula v. il-Gvern tar-Rumanija fil-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia – Petizzjoni biex tikkonferma d-deċiżjoni tal-ICSID u ddaħħal is-sentenza.

(42)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

(43)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.

(44)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

(45)  Ara d-Deċiżjoni ta’ Ftuħ, premessa 39.

(46)  Il-Kawża 61/79 Amministrazione delle finanze dello Stato vs Denkavit italiana EU:C:1980:100.

(47)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2007 fil-Kawża C 36/A/06 dwar l-għajnuna tal-Istat implimentata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuove Terni Industrie Chimiche (ĠU L 144, 4.6.2008, p. 37).

(48)  B’referenza għall-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies, EU:T:2007:253, para. 42.

(49)  Il-Kawża C-487/06 P British Aggregates vs il-Kummissjoni EU:C:2008:757, paragrafi 85 u 89 u l-ġurisprudenza kkwotata, u l-Kawża C-279/08 P Kummissjoni vs il-Pajjiżi l-Baxxi (NOx) EU:C:2011:551, paragrafu 51.

(50)  Il-Kawżi Konġunti C-180/98 sa C-184/98 Pavlov u Oħrajn EU:C:2000:428, paragrafu 74.

(51)  Il-Kawża C-170/83 Hydrotherm EU:C:1984:271, paragrafu 11. Ara wkoll il-Kawża T-137/02 Pollmeier Malchow vs il-Kummissjoni EU:T:2004:304, paragrafu 50.

(52)  Il-Kawża C-480/09 P Acea Electrabel Produzione SpA vs il-Kummissjoni EU:C:2010:787 paragrafi 47 sa 55; il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn EU:C:2006:8, paragrafu 112.

(53)  Ara d-Deċiżjoni, paragrafi 935-936 u 943.

(54)  Il-Kawża C-170/83 Hydrotherm EU:C:1984:271, paragrafu 10.

(55)  Il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn EU:C:2006:8, paragrafu 112.

(56)  Il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze SpA u Oħrajn EU:C:2006:8, paragrafu 114.

(57)  Ara l-premessi (87) u (88).

(58)  Il-Kawża C-39/94 SFEI u Oħrajn EU:C:1996:285, paragrafu 60; il-Kawża C-342/96 Spanja vs il-Kummissjoni EU:C:1999:210, paragrafu 41.

(59)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 917.

(60)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 928.

(61)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 953.

(62)  Ara l-premessa 27 għad-deskrizzjoni tal-ammonti dovuti skont id-deċiżjoni tal-arbitraġġ.

(63)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 928.

(64)  Id-Deċiżjoni, paragrafu 872.

(65)  It-Tribunal ikkonkluda li r-revoka tal-inċentivi tal-EGO 24 kienet tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti qabel ma saħansitra kkunsidra r-raġonevolezza jew it-trasparenza tal-azzjonijiet tar-Rumanija (id-Deċiżjoni, paragrafi 725, 726; ir-raġonevolezza u t-trasparenza kienu kkunsidrati biss fil-paragrafi 727 et seq. u 837 et seq., rispettivament). Għalhekk ma hemm l-ebda bażi sabiex jiġi sostnut, kif jissuġġerixxu r-rikorrenti, li s-sejba ta’ ksur tal-BIT min-naħa tat-Tribunal kienet kundizzjonata fuq in-nuqqas ta’ raġonevolezza taż-żamma fis-seħħ tal-obbligi skont l-EGO 24 jew fuq it-trasparenza insuffiċjenti tal-azzjonijiet tar-Rumanija.

(66)  Id-Deċiżjoni, paragrafi 953, 961, 971, 984, 1 016, 1 020, 1 136.

(67)  Il-Kawżi Konġunti 106/87 sa 120/87 Asteris EU:C:1988:457.

(68)  Il-Kawżi Konġunti 106/87 sa 120/87 Asteris EU:C:1988:457, paragrafu 23.

(69)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2004 dwar l-għajnuna Olandiża favur Akzo-Nobel sabiex jiġi minimizzat it-trasport tal-kloru (Kawża N 304/2003), avviż fil-qosor fil-ĠU C 81, 2.4.2005, p. 4; ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-għajnuna Olandiża għar-rilokazzjoni tal-kumpanija taż-żarmar tal-karozzi, Steenbergen (Kawża N 575/05), avviż fil-qosor fil-ĠU C 80, 13.4.2007, p. 1.

(70)  Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll bħala invalidi l-BITs intra-UE fil-bażi tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ elenkati fin-nota f’qiegħ il-paġna 53 tal-applikazzjoni.

(71)  Ara t-tweġiba tal-Kummissarju De Gucht għall-Mistoqsija Parlamentari orali O-000043/2013/rev.1 li fiha huwa sostna “Il-Kummissjoni taqbel li t-trattati bilaterali u ta’ investiment (BITS) bejn Stati Membri tal-UE mhumiex konformi mal-liġi tal-UE”, dibattitu tas-sessjoni plenarja tat-22 ta’ Mejju 2013. Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2012 dwar il-movimenti ta’ kapital u l-investimenti fl-UE - Dokument tas-Servizzi tal-Kummissjoni dwar il-Monitoraġġ tas-Suq, SWD(2012)6 finali, paġna 13. Ara wkoll, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta’ April 2013 dwar il-moviment liberu tal-kapital fl-UE, SWD(2013)146 finali, paġni 11 u 14; id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Marzu 2014 dwar il-moviment liberu tal-kapital fl-UE, SWD(2014)115 finali, paġna 12; u l-Kummissjoni Ewropea, Attivitajiet ta’ monitoraġġ u analiżi, Trattati Bilaterali fuq l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-UE (BITs intra-UE) 2012; disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/internal_market/capital/analysis/monitoring_activities_and_analysis/index_en.htm.

(72)  L-opinjoni tat-28 ta’ April 2005 fil-Kawżi Konġunti C-346/03 u C-529/03 Atzori ECLI:EU:C:2005:256, paragrafu 198.

(73)  Il-Kawża T-384/08 Elliniki Nafpigokataskevastiki AE Chartofylakeiou vs il-Kummissjoni EU:T:2011:650, u l-Kawża T-565/08 Corsica Ferries vs il-Kummissjoni EU:T:2012:415, paragrafi 23, 114 u 120 sa 131. Ara wkoll, b’analoġija, il-Kawża C-111/10 Kummissjoni vs il-Kunsill EU:C:2013:785, paragrafu 44.

(74)  Il-Kawża C-119/05 Lucchini EU:C:2007:434, paragrafu 59.

(75)  Il-Kawża C-280/00 Altmark Trans EU:C:2003:415, paragrafu 84.

(76)  Il-Kawża T-351/02 Deutsche Bahn AG vs il-Kummissjoni EU:T:2006:104, paragrafu 101.

(77)  Il-Kawża 730/79 Phillip Morris EU:C:1980:209, paragrafu 11. Il-Kawżi Konġunti T-298/97, T-312/97 eċċ. Alzetta EU:T:2000:151, paragrafu 80.

(78)  Il-Kawża T-288/97 Friuli Venezia Giulia EU:T:2001:115, paragrafu 41.

(79)  Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40).

(80)  L-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat.

(81)  Il-Kawża C-129/12 Magdeburger Mühlenwerke EU:C:2013:200, paragrafu 40.

(82)  Traduzzjoni fil-lingwa Ingliża tal-provvediment inizjali li kien jipprovdi għall-Faċilità għall-Materja Prima (li hija l-inċentiv għall-investiment li r-revoka tiegħu wasslet biex jingħataw danni lill-applikanti skont id-Deċiżjoni) tista’ tinstab fil-paragrafu 148 tad-Deċiżjoni. Skont dik it-traduzzjoni, l-Artikolu 6(1)(b) jipprovdi li “Privately held companies, Romanian legal entities, as well as small or family business, authorised pursuant to the Decree-Law no. 54/1990 concerning the organisation and operation of free initiative-based economic activities that are headquartered and conduct business within the disadvantaged region, will be granted the following advantages for their new investments in the these regions: […] refunds of customs duties on raw materials, spare parts and/or components necessary of achieving the investor’s own production in that region. The refunds will be made based on the approval by the regional development agencies of the companies’ production sales documents. The funds necessary for the refund of the customs duties will be provided to the Agency for Regional Development from the Regional development Fund. In case of unprivileged regions belonging to two or more administrative-territorial units, the funds necessary for the refund of the customs duties will be provided by the National Agency for Regional Development from the National Development Fund [the “Raw Materials Incentive” or “Raw Materials Facility”];

(83)  It-tliet kategoriji ta’ għajnuna eżistenti msemmija fl-Att ta’ Adeżjoni huma:

il-miżuri ta’ għajnuna mdaħħla fis-seħħ qabel l-10 ta’ Diċembru 1994;

il-miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi għal dan l-Anness;

il-miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data tal-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità għall-monitoraġġ tal-għajnuna mill-Istat tal-Istat Membru ġdid u nstabu li kienu kompatibbli mal-acquis, u li għalihom il-Kummissjoni ma qajmet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni, skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2.

Kwalunkwe deċiżjoni sabiex tiġi esegwita d-Deċiżjoni ma hija koperta mill-ebda waħda minn dawn it-tliet kategoriji. Anki kieku jitqies li l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni terġa’ tistabbilixxi biss id-drittijiet tar-rikorrenti skont l-EGO 24 daqs li kieku l-inċentivi rilevanti taħtha ma kinux revokati qabel l-iskadenza skedata tagħhom, dak l-istabbiliment mill-ġdid retroattiv xorta jkun irid jitqies bħala “għajnuna ġdida” mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-Unjoni.

(84)  Ara wkoll il-Kawżi Konġunti T-80/06 u T-182/09 Budapesti Erömü EU:T:2012:65, paragrafu 54.

(85)  Il-Kawża T-68/03 Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE vs il-Kummissjoni EU:T:2007:253, paragrafu 34.

(86)  Il-Kawża C-225/91 Matra vs il-Kummissjoni EU:C:1993:239, paragrafu 41.

(87)  Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(88)  RAG 2007, punt 76.

(89)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 2/07, l-avviż fil-qosor fil-ĠU C 73, 30.3.2007, p. 15.

(90)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA 38364, l-avviż fil-qosor fil-ĠU C 233, 18.7.2014, p. 1.

(91)  Il-Kawża C-70/72 Kummissjoni vs il-Ġermanja EU:C:1973:87, paragrafu 13.

(92)  Il-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni EU:C:1994:325, paragrafu 75.

(93)  Il-Kawża C-75/97 Belġju vs il-Kummissjoni EU:C:1999:311, paragrafi 64-65.

(94)  Il-Kawża C-148/04 Unicredito Italiano EU:C:2005:774, paragrafi 104 sa 111.

(95)  Is-sentenza fil-Kawża C-217/06 Kummissjoni v l-Italja EU:C:2007:580, punt 23 u l-ġurisprudenza kkwotata.

(96)  Il-Kawża C-5/89 Kummissjoni v il-Ġermanja EU:C:1990:320, paragrafu 14.

(97)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.

(98)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 38.

(99)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.

(100)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40.

(101)  Il-Kawża tal-ICSID Nru ARB/05/20, Ioan Micula, Viorel Micula, SC European Food SA, SC Starmill SRI, SC Multipack SRL v ir-Rumanija, Deċiżjoni Finali tal-11 ta’ Diċembru 2013.

(102)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).