ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 83

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
27 ta' Marzu 2015


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) 2015/475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda

1

 

*

Regolament (UE) 2015/476 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji

6

 

*

Regolament (UE) 2015/477 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-miżuri li l-Unjoni tista' tieħu relattivament għall-effett ikkombinat ta' miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji ma' miżuri ta' salvagwardja

11

 

*

Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet

16

 

*

Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar regoli komuni għall-esportazzjoni

34

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/1


REGOLAMENT (UE) 2015/475 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

dwar il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 207(2) tiegħu;

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72 (3), ġie emendat kemm-il darba (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 1972 ġie ffirmat fi Brussell Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda ('il-Ftehim').

(3)

Huwa meħtieġ li jkun hemm regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-klawżoli ta' salvagwardja u tal-miżuri kawtelatorji previsti fl-Artikoli 23 sa 28 tal-Ftehim.

(4)

Biex jiġu implimentati l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew tu tal-Kunsill (5).

(5)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li għandhom japplikaw minnufih, f'każijiet debitament ġustifikati marbuta mas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 25, 25a u 27 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, jekk ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tirreferi lill-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda ('il-Ftehim') għall-iskop li jittieħdu l-miżuri previsti fl-Artikoli 23, 25, 25a u 27 tal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta dawk il-miżuri f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri jekk tiddeċiedi li tirreferi kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Artikolu 2

1.   Fl-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika l-applikazzjoni mill-Unjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, għandha tiddeċiedi jekk dik il-prattika hijiex kompatibbli mal-Ftehim. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' salvagwardja f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ ta' prattika li tista' twassal biex jiġu applikati fil-konfront tal-Unjoni l-miżuri ta' salvagwardja fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tal-Ftehim, il-Kummissjoni, wara li teżamina l-każ, għandha tiddeċiedi jekk il-prattika hijiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim. Fejn ikun meħtieġ, għandha tifformula rakkomandazzjonijiet xierqa.

Artikolu 3

Fil-każ ta' prattika li tista' tiġġustifika li l-Unjoni tapplika l-miżuri previsti fl-Artikolu 26 tal-Ftehim, għandhom japplikaw il-proċeduri stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

Artikolu 4

1.   Fejn minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni immedjata fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 25, 25a u 27 tal-Ftehim jew fil-każ ta' għajnuniet għall-esportazzjoni li jkollhom effett dirett u immedjat fuq il-kummerċ, il-miżuri kawtelatorji previsti fil-punt (e) tal-Artikolu 28(3) tal-Ftehim jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament, jew f'każijiet ta' urġenza, f'konformità mal-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn il-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni minn Stat Membru, hija għandha tieħu deċiżjoni dwar dik it-talba fi żmien massimu ta' ħamest ijiem ta' xogħol wara li tkun irċevietha.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni hija responsabbli għan-notifika lill-Kumitat Konġunt mill-Unjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 28(2) tal-Ftehim.

Artikolu 6

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar is-Salvagwardji stabbilit mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (8). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 8

Ir-Regolament (KEE) Nru 2843/72 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni mogħtija fl-Anness II.

Artikolu 9

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72 tad-19 ta' Diċembru 1972 fuq il-miżuri ta' salvagwardja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda (ĠU L 301, 31.12.1972, p. 162).

(4)  Ara l-Anness I.

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).


ANNESS I

Ir-Regolament imħassar bil-lista tal-emendi suċċessivi għalih

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2843/72

(ĠU L 301, 31.12.1972, p. 162)

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 640/90

(ĠU L 74, 20.3.1990, p. 4)

 

Ir-Regolament (EU) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 2 biss tal-Anness


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KEE) Nru 2843/72

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 sa 4

Artikoli 1 sa 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 9

Anness I

Anness II


27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/6


REGOLAMENT (UE) 2015/476 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Unjoni wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (5), il-Kunsill adotta regoli komuni għad-difiża kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (6) regoli komuni ġew previsti għad-difiża kontra l-importazzjoni li hi oġġett ta' sussidju minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Skont il-Ftehim Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”), intlaħaq Ftehim fuq ir-Regoli u Proċeduri li Jirregolaw il-Ftehim fuq Tilwim (“DSU”). Skont id-DSU, ġie stabbilit il-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim (“DSB”).

(5)

Sabiex, fejn tqis li huwa xieraq, l-Unjoni titħalla ġġib konformi miżura meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru 597/2009 mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jkunu jinsabu f'rapport adottat mid-DSB, għandhom jittieħdu dispożizzjonijiet speċifiċi.

(6)

Sabiex tittieħed konsiderazzjoni tal-interpretazzjonijiet legali magħmula f'rapport adottat mid-DSB, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra xieraq li tħassar, temenda jew tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra fir-rigward ta' miżuri meħuda skont ir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 jew ir-Regolament (KE) Nru 597/2009, inklużi miżuri li ma kienux il-qofol ta' ftehim fuq tilwim fl-ambitu tad-DSU. Barra dan, il-Kummissjoni, meta xieraq, għandha tkun kapaċi tissospendi jew tirrevedi tali miżuri.

(7)

M'hemmx limitu ta' żmien biex tirrikorri għad-DSU. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapporti adottati mid-DSB għandhom biss effett prospettiv. Konsegwentement, huwa xieraq li jiġi speċifikat illi, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, kwalunkwe miżura li tittieħed permezz ta' dan ir-Regolament jibda jkollha effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u, għaldaqstant, ma tipprovdi l-eba bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data.

(8)

L-implimentazzjoni tiegħu titlob kundizzjonijiet uniformi għall-dozzjoni ta' miżuri b'segwitu għal rapport adottat mid-DSB dwar kwistjonijiet ta' anti-dumping u anti-sussidji. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(9)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għas-sospensjoni ta' miżuri għal perijodu limitat ta' żmien minħabba l-effetti ta' tali miżuri,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Kull meta d-DSB jadotta rapport dwar miżura mill-Unjoni meħuda skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 jew skont dan ir-Regolament (“miżura kkontestata”), il-Kummissjoni tista' twettaq waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin, kif tqis xieraq, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(3):

(a)

tħassar jew temenda il-miżura kontestata; jew

(b)

tadotta kwalunkwe miżura speċjali ta' implimentazzjoni oħra meqjusa xierqa fiċ-ċirkostanzi sabiex l-Unjoni tkun konformi mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jinsabu fir-rapport.

2.   Għall-iskop li tittieħed miżura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob il-partijiet interessati biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi kompluta l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li rriżultat fl-adozzjoni tal-miżura kkontestata.

3.   Sakemm ikun xieraq li ssir reviżjoni qabel jew fl-istess żmien li jittieħdu kwalunkwe miżuri skont il-paragrafu 1, dik ir-reviżjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tibda reviżjoni.

4.   Sakemm ikun xieraq li tiġi sospiża l-miżura kontestata jew emendata, tali sospensjoni għandha tingħata mill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien limitat, billi taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe waħda mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jitqiesu l-interpretazzjonijiet legali li saru f'rapport adottat mid-DSB fir-rigward ta' miżura mhux kontestata, jekk tqis dan bħala xieraq.

2.   Għall-iskop li tittieħed miżura taħt il-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista' titlob il-partijiet interessati biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiġi kompluta l-informazzjoni miksuba matul l-investigazzjoni li rriżultat fl-adozzjoni tal-miżura mhux kontestata.

3.   Sakemm ikun xieraq li ssir analiżi qabel jew fl-istess żmien li tittieħed kwalunkwe miżura skont il-paragrafu 1, dik ir-reviżjoni għandha tinbeda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tibda analiżi.

4.   Sakemm ikun xieraq li tiġi sospiża l-miżura kontestata jew emendata, dik is-sospensjoni għandha tingħata mill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien limitat, billi taġixxi f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

Kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tieħu effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdi l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor.

Artikolu 4

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tinkludi tagħrif dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001 huwa mħassar.

Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal- Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tas-23 ta' Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10).

(4)  Ara l-Anness I.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal- Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien mal-emenda għalih

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001

(ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 7 biss tal-Anness


ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1515/2001

Dan ir-Regolament

Artikoli 1, 2 u 3

Artikoli 1, 2 u 3

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 3b

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 4

Artikolu 7

Anness I

Anness II


27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/11


REGOLAMENT (UE) 2015/477 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

dwar il-miżuri li l-Unjoni tista' tieħu relattivament għall-effett ikkombinat ta' miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji ma' miżuri ta' salvagwardja

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2003 (2) ġie emendat b'mod sostanzjali (3). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kodifikat.

(2)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (4) ġew stabbiliti regoli komuni għal protezzjoni kontra importazzjonijiet iddampjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni.

(3)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (5) ġew stabbiliti regoli komuni għal protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni.

(4)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 (7) ġew stabbiliti regoli komuni għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja kontra importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni. Il-miżuri ta' salvagwardja jistgħu jkunu f'forma ta' miżuri tariffarji applikabbli jew għall-importazzjonijiet kollha jew għal dawk l-importazzjonijiet li jaqbżu kwantità pre-determinata. Tali miżuri ta' salvagwardja jimplikaw li l-merkanzija tkun eliġibbli sabiex tidħol fis-suq tal-Unjoni meta jitħallsu d-dazji rilevanti.

(5)

L-importazzjoni ta' ċerta merkanzija tista' tkun soġġetta għal miżuri kemm kontra d-dumping kif ukoll kontra s-sussidji, fuq naħa waħda, u miżuri tariffarji ta' salvagwardja, fuq in-naħa l-oħra. L-għanijiet tal-ewwel huma ta' rimedju għal distorsjonijiet fis-suq maħluqin minn prattiki kummerċjali żleali, u l-għanijiet tat-tieni huma ta' solliev kontra importazzjonijiet miżjudin ferm.

(6)

Madankollu, il-kombinazzjoni ta' miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji ma' miżuri tariffarji ta' salvagwardja fuq l-istess prodott jista' jkollhom effett akbar minn dak maħsub jew mixtieq f'termini tal-politika u għanijiet ta' protezzjoni tal-kummerċ tal-Unjoni. B'mod partikolari, tali kombinazzjoni ta' miżuri tista' tkun ta' piż eċċessivament kbir fuq ċerti produtturi esportaturi li jfittxu li jesportaw lejn l-Unjoni, li jista' jkollu l-effett li jċaħħadilhom l-aċċess għas-suq tal-Unjoni.

(7)

Konsegwentement, il-produtturi esportaturi li jfittxu li jesportaw lejn l- Unjoni m'għandhomx ikunu soġġetti għal piżijiet eċċessivament kbar u għandhom ikomplu jkollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni.

(8)

Huwa għalhekk kunsiljabbli li jiġi żgurat li l-għanijiet tal-miżuri tariffarji ta' salvagwardja u ta' dawk kontra d-dumping u/jew kontra s-sussidji jistgħu jinkisbu mingħajr ma jiċċaħħad l-aċċess għas-suq tal-Unjoni lil dawk il-produtturi esportaturi. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, fejn tikkunsidra xieraq, li tieħu azzjoni bl-għan li tiżgura li l-kombinazzjoni ta' miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji ma' miżuri tariffarji ta' salvagwardja fuq l-istess prodott ma jkollhiex tali effett.

(9)

Għalkemm id-dazju ta' salvagwardja u l-miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji jistgħu jkunu simultanjament applikabbli fir-rigward tal-istess prodott, mhuwiex dejjem possibli li jkun determinat minn qabel f'liema punt preċiż fiż-żmien dan jista' jseħħ. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tipprovdi għal tali sitwazzjoni b'mod li jiżgura prevedibbiltà suffiċjenti u ċertezza legali għall-operaturi kollha kkonċernati.

(10)

Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra xieraq li temenda, tissospendi jew tħassar miżuri kontra d-dumping u/jew kontra s-sussidji jew li tipprovdi għal eżenzjonijiet b'mod sħiħ jew parzjali minn kwalunkwe dazju anti-dumping jew kompensatorju li jkun pagabbli b'mod ieħor, jew li tadotta kwalunkwe miżura speċjali oħra. Kwalunkwe sospensjoni jew emendament ta', jew eżenzjoni minn, miżuri kontra d-dumping jew kontra s-sussidji għandhom jingħataw biss għal perjodu limitat ta' żmien.

(11)

Kwalunkwe miżura meħuda taħt dan ir-Regolament għandha tkun applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, u għalhekk m'għandhiex tipprovdi bażi sabiex issir rifużjoni ta' dazji miġbura qabel dik id-data.

(12)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jingħatawlha setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fejn il-Kummissjoni tqis li kombinazzjoni ta' miżuri anti-dumping jew kontra s-sussidji flimkien ma' miżuri tariffarji ta' salvagwardja fuq l-istess importazzjonijiet tista' twassal għal effetti akbar milli mixtieq f'termini tal-politika ta' difiża tal-kummerċ tal-Unjoni, din tista' tadotta dawk il-miżuri, minn dawn li ġejjin, li jidhrulha xierqa f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2):

(a)

miżuri sabiex temenda, tissospendi, jew tħassar miżuri eżistenti kontra d-dumping u/jew kontra s-sussidji;

(b)

miżuri biex teżenta importazzjonijiet sħaħ jew f'partijiet minn dazji anti-dumping jew kompensatorji li b'mod ieħor ikunu pagabbli;

(c)

kwalunkwe miżura speċjali oħra kkunsidrata xierqa fiċ-ċirkostanzi.

2.   Kull emenda, sospensjoni jew eżenzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun limitata fiż-żmien u għandha tapplika biss meta l-miżuri relevanti ta' salvagwardja jkunu fis-seħħ.

Artikolu 2

Kwalunkwe miżura adottata skont dan ir-Regolament għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. M'għandhiex isservi bħala bażi għal rifużjoni ta' dazji miġbura qabel dik id-data, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f'dik il-miżura.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 4

Ir-Regolament (KE) Nru 452/2003 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhijiex ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2003 tas-6 ta' Marzu 2003 dwar il-miżuri li l-Komunità tista' tadotta relatati mal-effett ikkombinat ta' miżuri kontra r-rimi u kontra s-sussidju b'miżuri ta' salvagwardjar (ĠU L 69, 13.3.2003, p. 8).

(3)  Ara l-Anness I.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 185, 17.7.2009, p. 1).

(8)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


ANNESS I

Regolament imħassar flimkien mal-emenda tiegħu

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2003

(ĠU L 69, 13.3.2003, p. 8)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 10 tal-Anness biss


ANNESS II

Tabella ta' Korelazzjoni

Regolament (KE) Nru 452/2003

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 2a

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Anness I

Anness II


27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/16


REGOLAMENT (UE) 2015/478 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (3) ġie emendat (4) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun imsejsa fuq prinċipji uniformi.

(3)

Il-Komunità Ewropea kkonkludiet il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”). L-Anness I A għal dak il-Ftehim fih inter alia l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“GATT 1994”) u l-Ftehim dwar is-Salvagwardja.

(4)

Il-Ftehim dwar is-Salvagwardja jilħaq il-ħtieġa li jikkjarifika u jirrinforza d-dixxiplini tal-GATT tal-1994, u b'mod speċifiku dawk tal-Artikolu XIX. Dak il-Ftehim jeħtieġ l-eliminazzjoni tal-miżuri tas-salvagwardja li ma jinsabux f'dawk ir-regoli, bħalma huma t-trażżin tal-esportazzjoni b'mod volontarju, l-arranġamenti tat-tqegħid fis-suq b'mod ordnat u kull xorta simili ta' arranġamenti ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni.

(5)

Il-Ftehim dwar is-Salvagwardja jkopri wkoll il-prodotti tal-faħam u l-azzar. Ir-regoli komuni dwar l-importazzjonijiet, b'mod speċjali dawk dwar il-miżuri tas-salvagwardja, għalhekk japplikaw ukoll għal dawn il-prodotti mingħajr preġudizzju għal kull miżura possibbli sabiex jiġi applikat ftehim li jirrigwarda speċifikament il-prodott tal-faħam u l-azzar.

(6)

Il-prodotti tat-tessuti koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 (5) huma bla ħsara għal trattament speċjali fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali. Dawn għandhom għalhekk jiġu esklużi mill-ambitu ta' dan ir-Regolament.

(7)

Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa mill-Istati Membri b'kull periklu maħluq mix-xejriet fl-importazzjonijiet li jistgħu jitolbu għas-sorveljanza tal-Unjoni jew l-applikazzjoni tal-miżuri tas-salvagwardja.

(8)

F'każijiet simili l-Kummissjoni għandha teżamina t-termini u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom jiġru l-importazzjonijiet, ix-xejra fl-importazzjonijiet, l-aspetti varji tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali u, fejn ikun xieraq, il-miżuri li jridu jiġu applikati.

(9)

Jekk tiġi applikata s-sorveljanza tal-Unjoni minn qabel, ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti interessati għandu jsir bla ħsara għall-wirja ta' dokument ta' sorveljanza li jilħaq kriterji uniformi. Dak id-dokument għandu, ma' applikazzjoni sempliċi mill-importatur, jiġi maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istati Membri f'perjodu taż-żmien stabbilit iżda mingħajr ma b'daqshekk jagħti d-dritt lill-importatur li jimporta. Id-dokument tas-sorveljanza għandu għalhekk ikun validu biss matul dak il-perjodu taż-żmien fejn ir-regoli tal-importazzjoni ma jinbidlux.

(10)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaqsmu bejniethom it-tagħrif li jirriżulta mis-sorveljanza tal-Unjoni bl-aktar mod komplet possibbli.

(11)

Huwa d-dmir tal-Kummissjoni li tadotta il-miżuri tas-salvagwardja meħtieġa fl-interess tal-Unjoni. Dawk l-interessi għandhom jiġu meqjusa flimkien u għandhom b'mod partikolari jħaddnu l-interessi tal-produtturi, tal-utenti u tal-konsumaturi tal-Unjoni.

(12)

Il-miżuri tas-salvagwardja kontra Membru tad-WTO jistgħu jitqiesu biss jekk il-prodott fil-kwistjoni jiġi importat ġewwa l-Unjoni fi kwantitajiet miżjuda tant u taħt it-termini u l-kondizzjonijiet hekk li jikkaġunaw, jew li jheddu li jikkaġunaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni li jipproduċu prodotti bħalhom jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta magħhom, għajr jekk l-obbligi internazzjonali jippermettu deroga minn din ir-regola.

(13)

It-termini “dannu serju”, “theddida ta' dannu serju” u “produtturi tal-Unjoni” għandhom jiġu definiti u għandhom jiġu previsti kriterji preċiżi sabiex jiġi stabbilit id-dannu.

(14)

Investigazzjoni għandha ssir qabel ma tiġi applikata kull miżura ta' salvagwardja, bla ħsara għar-riserva li l-Kummissjoni tiġi mħollija tapplika miżuri provviżorji f'każijiet urġenti.

(15)

Għandu jkun hemm dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-ftuħ tal-investigazzjonijiet, dwar il-kontroll u l-ispezzjonijiet meħtieġa, dwar l-aċċess għat-tagħrif miġbur mill-pajjiżi esportaturi u mill-partijiet interessati, dwar il-proċessi fil-qorti għall-partijiet involuti u dwar l-opportunitajiet għal dawn il-partijiet li jippreżentaw il-veduti tagħhom.

(16)

Id-dispożizzjonijiet dwar l-investigazzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar is-sigriet professjonali.

(17)

Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti taż-żmien sabiex jinbdew l-investigazzjonijiet u sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri humiex xierqa jew le, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-konsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi interessati.

(18)

Fil-każijiet fejn il-miżuri tas-salvagwardja jieħdu l-għamla ta' kwota, il-livell ta' dawn tal-aħħar għandhom fil-prinċipju jiġu stabbiliti bħala mhux anqas mil-livell medju tal-importazzjonijiet fuq perjodu rappreżentattiv taż-żmien ta' mill-anqas tliet snin.

(19)

Fil-każijiet fejn kwota tiġi allokata fost il-pajjiżi fornituri, il-kwota ta' kull pajjiż tista' tiġi stabbilita permezz ta' ftehim mal-pajjiżi nfushom jew billi jittieħed bħala referenza l-livell tal-importazzjonijiet fuq perjodu rappreżentattiv taż-żmien. Id-derogi minn dawn ir-regoli għandhom xorta waħda jkunu possibbli meta jkun hemm dannu serju u żieda sproporzjonata fl-importazzjonijiet, sakemm issir konsultazzjoni xierqa taħt l-awspiċi tal-Kumitat tad-WTO dwar is-Salvagwardja.

(20)

It-tul massimu taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja għandu jiġi stabbilit u għandhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni, il-liberalizzazzjoni progressiva u r-reviżjonijiet ta' dawn il-miżuri.

(21)

Għandhom jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li fihom il-prodotti li joriġinaw fi stat li qiegħed jiżviluppa li jkun Membru tad-WTO għandhom jiġu eżentati mill-miżuri tas-salvagwardja.

(22)

Is-sorveljanza jew il-miżuri tas-salvagwardja ristretti għal reġjun jew iktar tal-Unjoni jistgħu jirriżultaw aktar xierqa mill-miżuri li japplikaw għall-Unjoni kollha. Madankollu, dawn il-miżuri għandhom jiġu awtorizzati biss f'każi eċċezzjonali u fejn ma teżisti l-ebda alternattiva. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu temporanji u li jikkawżaw l-inqas taħwid għax-xogħol tas-suq intern.

(23)

Fl-interess tal-uniformità fir-regoli għall-importazzjonijiet, il-formalitajiet li għandhom jitwettqu mill-importaturi għandhom ikunu sempliċi u identiċi irrispettivament mill-post minn fejn l-oġġetti jinħarġu mid-dwana. Huwa għalhekk mixtieq li jiġi stabbilit li kull formalità għandha titwettaq bl-użu tal-formoli li jikkorrispondu għall-kampjun anness ma' dan ir-Regolament.

(24)

Id-dokumenti tas-sorveljanza maħruġa rigward il-miżuri tas-sorveljanza tal-Unjoni għandhom ikunu validi fl-Unjoni kollha irrispettivament minn min ikun l-Istat Membru li joħroġhom.

(25)

Biex jiġu implimentati l-klawżoli ta' salvagwardja bilaterali tal-Ftehim jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri ta' salvagwardja. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(26)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni tal-miżuri ta' sorveljanza u dawk proviżorji minħabba l-effetti ta' tali miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f'rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta' salvagwardja definittivi. Fejn dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri jkun jikkawża ħsara li jkun diffiċli li tissewwa, hu meħtieġ li l-Kummissjoni titħalla tadotta miżuri proviżorji applikabbli immedjatament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, ħlief għal:

(a)

prodotti tat-tessuti suġġetti għal regoli speċifiċi ta' importazzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 517/94;

(b)

prodotti li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi elenkati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 (7).

2.   Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu importati liberament ġewwa l-Unjoni u għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għall-miżuri tas-salvagwardja li jistgħu jittieħdu taħt il-Kapitolu V, m'għandhomx ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet kwantitattivi.

KAPITOLU II

IL-PROĊEDURA TAL-UNJONI DWAR IT-TAGĦRIF U U L-KONSULTAZZJONI

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni jekk ix-xejriet fl-importazzjonijiet jidhru li jeħtiġilhom miżuri ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja. Dan it-tagħrif għandu jkun fih l-evidenza disponibbli, kif stabbilit fuq il-bażi tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 9. Il-Kummissjoni għandha minnufih tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri kollha.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar is-Salvagwardji. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

5.   Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 fejn isir rikors għall-proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta' miżuri definittivi skont l-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament, tali proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stipulat mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza tal-membri tal-kumitat kif definit fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn isir rikors għall-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn tkun saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżura fil-Kumitat, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat. Fejn isir rikors għall-proċedura bil-miktub f'każijiet oħra fejn ma tkunx saret diskussjoni dwar l-abbozz ta' miżura fil-Kumitat, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-president, dan jiġi deċiż mill-president jew dan jintalab minn tal-inqas kwart tal-membri tal-kumitat.

KAPITOLU III

IL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 4

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-proċedura ta' investigazzjoni tal-Unjoni għandha tiġi implimentata qabel ma tiġi applikata kull miżura ta' salvagwardja.

2.   Filwaqt li jintużaw bħala bażi l-fatturi imsemmija fl-Artikolu 9, l-investigazzjoni għandha tfittex li tistabbilixxi jekk l-importazzjonijet tal-prodott fil-kwistjoni jikkawżawx jew jheddu li jiġi kkawżat dannu serju lill-produtturi interessati tal-Unjoni.

3.   Għandhom japplikaw t-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“dannu serju” tfisser ħsara ġenerali sinifikanti għall-pożizzjoni tal-produtturi tal-Unjoni;

(b)

“theddida ta' dannu serju” tfisser dannu serju li jkun imminenti biċ-ċar;

(c)

“produtturi tal-Unjoni” tfisser il-produtturi kollha bħala grupp wieħed tal-istess prodotti jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin u li joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew dawk li l-output kollettiv tagħhom ikun tal-istess prodotti jew ta' prodotti li jikkompetu direttament ma' xulxin jikkostitwixxu proporzjon maġġuri tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' dawn il-prodotti.

Artikolu 5

1.   Fejn ikun jidher lill-Kummissjoni li hemm evidenza suffiċjenti li tiġġustifika t-tnedija ta' investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha titnieda investigazzjoni fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mingħand Stat Membru u tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dak l-avviż għandu:

(a)

jagħti sommarju tat-tagħrif riċevut, u jistabbilixxi li t-tagħrif kollu rilevanti irid jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni,

(b)

jiddikjara l-perjodu taż-żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu magħrufa l-veduti tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif, jekk dawn il-veduti u dan it-tagħrif iridu jitqiesu matul l-investigazzjoni,

(c)

jiddikjara l-perjodu taż-żmien li fih il-partijiet interessati jistgħu japplikaw sabiex jinstemgħu bil-fomm mill-Kummissjoni konformement mal-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni, filwaqt li taġixxi f' koperazzjoni mal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tagħti l-informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-informazzjoni normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha l-informazzjoni ingħatat lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfittex kull tagħrif li jidhrilha li jkun meħtieġ u, fejn tqis li jkun xieraq, wara li tkun infurmat lill-Istati Membri, għandha tagħmel ħilitha sabiex teżamina dik l-informazzjoni mal-importaturi, il-kummerċjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kummerċjali.

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita f'dan ix-xogħol mill-persunal tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jitwettqu dawk il-kontrolli, sakemm dak l-Istat Membru jixtieq dan.

3.   L-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni, fuq it-talba tagħha u konformement mal-proċeduri li tistabbilixxi hi, it-tagħrif fid-dispożizzjoni tagħhom dwar l-iżviluppi fis-suq tal-prodott li jkun qiegħed jiġi investigat.

4.   Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom taħt l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u r-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur jistgħu, fuq talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu magħmul disponibbli lill-Kummissjoni b'konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, sakemm dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux konfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 8 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni.

Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw ruħhom jistgħu jikkomunikaw il-veduti tagħhom dwar it-tagħrif fil-kwistjoni lill-Kummissjoni. Dawn il-veduti jistgħu jiġu kkunsidrati meta jkunu mirfuda b'evidenza suffiċjenti.

5.   Il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati. Dawn il-partijiet għandhom jinstemgħu meta jkunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu taż-żmien stabbilit fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fejn juru li attwalment x'aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali sabiex jinstemgħu bil-fomm.

6.   Meta ma jingħatax it-tagħrif fil-limiti taż-żmien stabbiliti b'dan ir-Regolament jew mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament, jew meta l-investigazzjoni tkun imxekkla b'mod sinifikanti, jista jingħata verdett fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Fejn il-Kummissjoni ssib li parti interessata jew parti mhux interessata jkunu fornewha b'tagħrif qarrieq jew li jiżvija, ma għandhiex tagħti każ ta' dak it-tagħrif u għandha tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

7.   Fejn jidher lill-Kummissjoni li ma hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-investigazzjoni, hija għandha tinforma lill-Istati Membri bid-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mid-data meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri.

Artikolu 6

1.   Fit-tmiem tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar ir-riżultati lill-Kumitat.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis, fi żmien disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni, li ma hemm bżonn tal-ebda miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja tal-Unjoni, l-investigazzjoni għandha tintemm fi żmien xahar. Il-Kummissjoni għandha ttemm l-investigazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3(2).

3.   Jekk il-Kummissjoni tikkonsidra li huma meħtieġa l-miżuri tal-Unjoni ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja, għandha tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa taħt il-Kapitoli IV u V, sa mhux aktar tard minn disa' xhur mill-bidu tal-investigazzjoni. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, dan il-limitu taż-żmien jista' jiġi estiż b'perjodu ieħor taż-żmien b'massimu ta' xahrejn; il-Kummissjoni għandha mbagħad tippubblika avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fejn tiddikjara t-tul taż-żmien tal-estensjoni u sommarju tar-raġunijiet għal dan.

Artikolu 7

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu m'għandhomx jipprekludu l-użu, fi kwalunkwe mument, tal-miżuri tas-sorveljanza taħt l-Artikoli 10 sa 14 jew il-miżuri provviżorji tas-salvagwardja taħt l-Artikoli 15, 16 u 17.

Il-miżuri provviżorji tas-salvagwardja għandhom jiġu applikati:

(a)

f'ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien jikkawża dannu li jkun diffiċli li jiġi msewwi, fejn tkun meħtieġa azzjoni immedjata, u

(b)

fejn deċiżjoni preliminari dwar l-applikazjoni tagħhom tipprovdi evidenza ċara li l-importazzjonijiet miżjuda kkawżaw jew qegħdin jheddu li jikkawżaw dannu serju.

It-tul taż-żmien ta' dawn il-miżuri m'għandux jaqbeż l-200 jum.

2.   Il-miżuri provviżorji tas-salvagwardja għandhom jieħdu l-għamla ta' żieda fil-livell eżistenti tad-dazji tad-dwana sewwa jekk dawn tal-aħħar ikunu żero u sewwa jekk għola, jekk din l-azzjoni x'aktarx li tipprevjeni jew issewwi d-dannu serju.

3.   Il-Kummissjoni għandha minnufih tmexxi l-miżuri tal-investigazzjoni li, jkunu liema jkunu, jibqgħu jidhru meħtieġa.

4.   Jekk il-miżuri provviżorji tas-salvagwardja jiġu mħassra minħabba li ma jkunu jeżistu l-ebda dannu serju jew theddida ta' dannu serju, id-dazji tad-dwana miġbura bħala riżultat tal-miżuri provviżorji għandhom jiġu awtomatikament imħallsa lura malajr kemm jista' jkun. Għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 235 et seq. tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (8).

Artikolu 8

1.   It-tagħrif li jkun ġie riċevut taħt dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li għalih ikun ġie mitlub.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istati Membri, inkluż l-uffiċjali tagħhom it-tnejn ma għandhomx jiżvelaw tagħrif ta' natura kunfidenzjali li jkunu rċevew skont dan ir-Regolament, jew l-ebda tagħrif li jkun ingħata fuq bażi kunfidenzjali mingħajr il-permess speċifiku ta' min ikun ipprovda informazzjoni bħal din.

3.   Kull talba għall-konfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif huwa konfidenzjali.

Madankollu, jekk ikun jidher li talba għall-konfidenzjalità ma tkunx ġustifikata u jekk min iforni t-tagħrif jixtieq li la jagħmlu pubbliku u lanqas li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f'termini ġenerali jew fl-għamla ta' sommarju, dan it-tagħrif jista' ma jitqiesx.

4.   It-tagħrif għandu f'kull każ jitqies bħala konfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x'aktarx ikollu effett kuntrarju sinifikattiv fuq min ifornih jew fuq is-sors ta' dan it-tagħrif.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu r-referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b'mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom ikunu msejsa d-deċiżjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet għandhom, madankollu, iqisu l-interess leġittimu tal-persuni legali u naturali interessati li ma jiġux żvelati s-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 9

1.   L-eżami tax-xejra fl-importazzjonijiet, tal-kundizzjonijiet li fihom isiru u tad-dannu serju jew it-theddida ta' dannu serju għall-produtturi tal-Unjoni li jirriżultaw minn dawn l-importazzjonijiet għandhom ikopru b'mod partikolari l-fatturi li ġejjin:

(a)

il-volum tal-importazzjonijiet, b'mod partikolari fejn ikun hemm żieda sinifikanti, jew f'termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew il-konsum fl-Unjoni;

(b)

il-prezz tal-importazzjonijiet, b'mod partikolari fejn ikun sar bejgħ sinifikanti bi prezzijiet inqas meta pparagunat mal-prezz ta' prodott simili fl-Unjoni;

(c)

l-impatt b'konsegwenza ta' dan fuq il-produtturi tal-Unjoni kif indikat mix-xejriet f'ċerti fatturi ekonomiċi bħal:

il-produzzjoni,

l-utilizzazzjoni tal-kapaċità,

il-ħażniet,

il-bejgħ,

is-sehem mis-suq,

il-prezzijiet (i.e. it-tbaxxija tal-prezzijiet jew il-prevenzjoni taż-żieda fil-prezz li normalment ikunu ġraw),

il-profitti,

id-dħul fuq il-kapital imħaddem,

il-likwidità,

l-impjiegi;

(d)

il-fatturi għajr ix-xejriet fl-importazzjonijiet li jkunu qegħdin jikkawżaw jew setgħu ikkawżaw dannu lill-produtturi tal-Unjoni interessati.

2.   Meta tiġi allegata theddida ta' dannu serju, il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll jekk huwiex previst b'mod ċar li sitwazzjoni partikolari x'aktarx tiżviluppa f'dannu attwali.

F'dan ir-rigward għandhom jitqiesu fatturi bħal:

(a)

ir-rata taż-żieda fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni;

(b)

il-kapacità tal-esportazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini jew l-esportazzjoni, kif tkun jew kif x'aktarx li tkun fil-futur qrib, u kemm x'aktarx li din il-kapaċità tiġi wżata għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

KAPITOLU IV

IS-SORVELJANZA

Artikolu 10

1.   Fejn ix-xejra fl-importazzjonijiet ta' prodott li joriġina minn pajjiż terz kopert b' dan ir-Regolament thedded li tikkawża dannu lill-produtturi tal-Unjoni, u fejn l-interessi tal-Unjoni hekk jeħtieġu, l-importazzjoni ta' dan il-prodott tista' tkun bla ħsara, kif xieraq, għal:

(a)

is-sorveljanza retroattiva tal-Unjoni mwettqa konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti bid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)

is-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni mwettqa taħt l-Artikolu 11.

2.   Id-deċiżjoni li tiġi imposta sorveljanza għandha tittieħed mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 3(2).

3.   Il-miżuri tas-sorveljanza għandhom ikunu validi għal perjodu limitat taż-żmien. Għajr jekk jkun ipprovdut xorta oħra, dawn għandhom jieqfu milli jibqgħu validi fit-tmiem tal-perjodu taż-żmien tat-tieni sitt xhur li jiġi wara s-sitt xhur li fihom ikunu ġew introdotti l-miżuri.

Artikolu 11

1.   Il-prodotti li kienu taħt sorveljanza tal-Unjoni preċedenti jistgħu jitpoġġew f'ċirkolazzjoni libera biss ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Dan id-dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istati Membri, minghajr ħlas, għal kull kwantità mitluba f'massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tirċievi applikazzjoni minn kwalunkwe importatur tal-Unjoni, ikun fejn ikun il-post fl-Unjoni fejn jopera n-negozju tiegħu. Din l-applikazzjoni għandha tkun meqjusa li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li ssir, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju.

2.   Id-dokument ta' sorveljanza għandu jsir fuq formola li tkun bħall-mudell fl-Anness I.

Sakemm id-deċiżjoni li timponi s-sorveljanza ma tgħidx mod ieħor, l-applikazzjoni tal-importatur ghad-dokumenti ta' sorveljanza għandha jkollha li ġej biss:

(a)

l-isem sħiħ u l-indirizz tal-applikant (inkluż numri tat-telefon u numri tal-fax u numru ieħor li jiddentifika l-applikant mal-awtorità kompetenti nazzjonali), flimkien man-numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT jekk irid iħallas il-VAT;

(b)

fejn hu xieraq, l-isem sħiħ u l-indirizz ta' min jagħmel d-dikjarazzjoni jew xi rappreżentant maħtur mill-applikant (inkluż in-numri tat-telefon u tal-fax);

(c)

deskrizzjoni tal-merkanzija li tagħti:

l-isem tal-kummerċ tagħhom,

il-kodiċi tan-nomenklatura maqgħuda tagħhom,

il-post ta' oriġini tagħhom u l-post tal-konsenja;

(d)

il-kwantità ddikjarata, f'kilogrammi u, jekk hu l-każ, kull unità addizzjonali oħra (pari, oġġetti, eċċ.);

(e)

il-valur tal-merkanzija, CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, f'euro;

(f)

id-dikjarazzjoni li ġejja, bid-data u ffirmata mill-applikant, bl-isem tal-applikant imniżżel b'ittri kbar:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-informazzjoni pprovduta f'din l-applikazzjoni hija veru u mogħtija in bona fide, u li jiena stabbilit fl-Unjoni.”

3.   Id-dokument tas-sorveljanza għandu jkun validu ġewwa l-Unjoni, ikun min ikun l-Istat Membru li joħorġu.

4.   Id-dikjarazzjoni ta' verdett li l-prezz għal kull unità li fuqu tkun saret it-transazzjoni jaqbeż dak indikat fid-dokument tas-sorveljanza b'inqas minn 5 % jew li l-valur totali jew il-kwantità tal-prodotti preżentati għall-importazzjoni jaqbeż il-valur jew il-kwantità mogħtija fid-dokument tas-sorveljanza b'inqas minn 5 % ma tipprekludix ir-rilaxx tal-prodott fil-kwistjoni għal ċirkolazzjoni libera. Il-Kummissjoni, wara li tkun semgħet l-opinjonijiet espressi fil-Kumitat u wara li tikkonsidra n-natura tal-prodotti u l-fatturi l-oħra speċjali tat-transazzjonijiet involuti, tista' tiffissa perċentwali differenti li, madankollu, normalment ma għandux jaqbeż il-10 %.

5.   Id-dokumenti tas-sorveljanza jistgħu jintużaw biss għal dak iż-żmien li l-arranġamenti għal liberalizzazzjoni tal-importazzjoni jibqgħu fis-seħħ rigward it-transazzjonijiet fil-kwistjoni. Dawn id-dokumenti tas-sorveljanza ma jistgħu fl-ebda każ jintużaw wara li jagħlaq iż-żmien li għandu jiġi stabbilit fl-istess waqt u permezz tal-istess proċedura tal-impożizzjoni tas-sorveljanza, u għandhom iqisu n-natura tal-prodotti u tal-fatturi l-oħra speċjali tat-transazzjonijiet.

6.   Meta d-deċiżjoni li tittieħed taħt l-Artikolu 10 hekk titlob, l-oriġini tal-prodotti taħt is-sorveljanza tal-Unjoni jridu jiġu ppruvati permezz ta' ċertifikat tal-oriġini. Dan il-paragrafu ma għandux jaffettwa dispożizzjonijiet oħra li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta' kull ċertifikat minn dan.

7.   Fejn il-prodott li jkun taħt is-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni jkun bla ħsara għall-miżuri reġjonali ta' salvagwardja fi Stat Membru, l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni konċessa minn dak l-Istat Membru tista' tieħu l-post tad-dokument tas-sorveljanza.

8.   Il-formoli tad-dokument ta' sorveljanza u l-estratti tiegħu għandhom ikunu doppji, kopja mmarkata “kopja tad-Detentur” u li ġġib in-numru 1, li tinħareġ lill-applikant, u l-oħra mmarkata “Kopja għall-awtorità kompetenti” li ġġib in-numru 2, li għandha tinżamm mill-awtorità li toħroġ id-dokument. Ghal dak li jirrigwarda l-amministrazzjoni l-awtorità kompetenti tista' żżid kopji supplimentari għal formola 2.

9.   Il-formoli ghandhom jiġu stampati fuq karta bajda ħielsa minn polpa mekkanika, li tkun intiża għal kitba u li tkun tiżen bejn 55 u 65 grammi kull metru kwadru. Il-qies tagħhom għandu jkun 210 × 297 mm; it-tip ta spazju bejn il-linji għandu jkun 4,24 mm (wieħed minn sitta ta' pulzier); dak li hu mniżżel fil-formola għandu jiġi segwit b'mod preċiż. Iż-żewġ naħat tal-kopja Nru 1, li hu d-dokument ta' sorveljanza nnifsu, għandhom ikollhom ukoll sfond ta' disinn arabesk isfar stampat sabiex jiżvela kull falsifikazzjoni b'mezzi mekkaniċi jew kimiċi.

10.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-istampar tal-formoli. Il-formoli jistgħu wkoll jiġu stampati minn stampaturi maħtura mill-Istat Membru fejn huma stabbiliti. F'każ ta' dan l-aħħar, għandha tidher referenza għall-ħatra mill-Istat Membru fuq kull formola. Kull formola għandu jkollha indikazzjoni tal-isem u l-indirizz tal-istampatur jew marka li tidentifika l-istampatur.

Artikolu 12

Fejn l-importazzjoni ta' prodott ma tkunx ġiet soġġetta għal sorveljanza a priori mill-Unjoni, il-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 17, tista' tintroduċi sorveljanza ristretta għall-importazzjonijiet lejn reġjun wieħed tal-Unjoni jew iktar. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba tiddeċiedi li tintroduċi s-sorveljanza.

Artikolu 13

1.   Prodotti taħt sorveljanza reġjonali jistgħu jiddaħħlu f'ċirkolazzjoni libera fir-reġjun ikkonċernat biss ladarba jiġi prodott dokument ta' sorveljanza. Tali dokument għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti nnominata mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i), minghajr ħlas, għal kull kwantità mitluba u fi żmien mhux aktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol minn meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tirċievi l-applikazzjoni minn kull importatur tal-Unjoni, irrispettivament mill-post tal-kummerċ tieghu fl-Unjoni. Din l-applikazzjoni għandha titqies li tkun wasslet għand l-awtorità nazzjonali kompetenti mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tiġi magħmula, sakemm ma jiġix ippruvat xort'oħra. Id-dokumenti ta' sorveljanza jistgħu jintużaw biss sakemm l-arranġamenti għall-importazzjoni jibqgħu liberalizzati fir-rigward tat-transazzjonijiet ikkonċernati.

2.   L-Artikolu 11(2) għandu japplika.

Artikolu 14

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni fi żmien l-ewwel għaxart ijiem ta' kull xahar fil-każ ta' sorveljanza tal-Unjoni jew reġjonali:

(a)

fil-każ ta' sorveljanza minn qabel, id-dettalji tal-ammonti tal-flus (ikkalkolati fuq il-bażi ta' prezzijiet CIF) u l-kwantitajiet tal-oġġetti li rigward tagħhom id-dokumenti tas-sorveljanza jkunu nħarġu matul il-perjodu preċedenti;

(b)

f'kull każ, id-dettaliji dwar l-importazzjonijiet matul il-perjodu taż-żmien ta' qabel il-perjodu taż-żmien imsemmi fil-punt(a).

It-tagħrif mogħti mill-Istati Membri għandu jiġi maqsum abbażi tal-prodott u l-pajjiż.

Jistgħu jiġu stabbiliti diposizzjonijiet differenti fl-istess żmien u bl-istess proċedura bħall-arranġamenti tas-sorveljanza.

2.   Fejn in-natura tal-prodotti u ċ-ċirkostanzi speċjali hekk jeħtieġu, il-Kummissjoni tista', fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, temenda t-tabelli taż-żmien għall-preżentazzjoni ta' dan it-tagħrif.

3.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kif xieraq.

KAPITOLU V

MIŻURI TA' SALVAGWARDJA

Artikolu 15

1.   Meta prodott jiġi importat ġewwa l-Unjoni fi kwantitajiet miżjuda tant u/jew taħt it-termini u l-kondizzjonijiet hekk li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni, sabiex tissalvagwardja l-interessi tal-Unjoni, tista', filwaqt li taġixxi fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess:

(a)

tagħmel limitu għall-perjodu taż-żmien tal-validità tad-dokumenti tas-sorveljanza fis-sens tal-Artikolu 11 li jridu jinħarġu wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-miżura;

(b)

tibdel ir-regoli tal-importazzjoni għall-prodott fil-kwistjoni billi tagħmel ir-rilaxx tiegħu fiċ-ċirkolazzjoni libera bil-kondizzjoni li tiġi ppreżentata l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni, li l-konċessjoni tagħha għandha tkun irregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet u bla ħsara għal dawk il-limiti li l-Kummissjoni tista' timponi.

Il-miżuri msemmija fil-punti (a) u (b) għandhom jidħlu fis-seħħ minnufih.

2.   Rigward il-Membri tad-WTO, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu biss meta ż-żewġ kondizzjonijiet indikati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jiġu sodisfatti.

3.   Jekk tkun qiegħda tiġi stabbilita kwota, għandu jittieħed kont b'mod partikolari ta':

(a)

ix-xewqa li jiġu mantnuti, kemm jista' jkun possibbli, il-flussi tradizzjonali tal-kummerċ;

(b)

il-volum tal-oġġetti esportati fuq kuntratti konklużi taħt it-termini u l-kondizzjonijiet normali qabel id-dħul fis-seħħ ta' miżura tas-salvagwardja fis-sens ta' dan il-Kapitolu, fejn dawn il-kuntratti jkunu ġew notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri interessati;

(c)

il-ħtieġa li jiġi evitat li l-kisba tal-għan segwit meta tkun qiegħda tiġi stabbilita l-kwota tiġi pperikolata.

Kull kwota ma għandhiex tiġi stabbilita taħt il-livell medju tal-importazzjonijiet fuq il-medda tal-aħħar tliet snin rappreżentattivi li għalihom tkunu disponibbli l-istatistika għajr jekk ikun meħtieġ livell differenti sabiex jipprevjieni jew jirrimedja dannu serju.

4.   Fil-każijiet fejn il-kwota tiġi allokata fost il-pajjiżi fornituri, l-allokazzjoni tista' tiġi miftiehma ma' dawk minnhom li jkollhom interess sostanzjali li jfornu l-prodott fil-kwistjoni għall-importazzjoni ġewwa l-Unjoni.

Fin-nuqqas ta' dan, il-kwota għandha tiġi allokata fost il-pajjiżi fornituri abbażi tal-proporzjon tas-sehem tagħhom fl-importazzjonijiet tal-prodott fil-kwistjoni ġewwa l-Unjoni matul il-perjodu rappreżentattiv taż-żmien preċedenti, filwaqt li jitqies kull fattur speċifiku li jkun seta' affettwa jew li jista' jkun qiegħed jaffettwa l-kummerċ fil-prodott.

Sakemm ma tinjorax l-obbligu tagħha li tara li l-konsultazzjonijiet jitmexxew taħt l-awspiċi tal-Kumitat tas-Salvagwardja tad-WTO, l-Unjoni tista' madanakollu titbiegħed minn dan il-metodu ta' allokazzjoni fil-każ ta' dannu serju jekk importazzjonijiet li joriġinaw f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi fornituri jkunu żdiedu b'perċentwali sproporzjonat meta mqabbla maż-żieda totali fl-importazzjonijiet tal-prodott konċernat matul perjodu taż-żmien rappreżentattiv preċedenti.

5.   Il-miżuri msemmija f'dan Artikolu għandhom japplikaw għal kull prodott li jinħareġ fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-dħul fis-seħħ tagħhom. Taħt l-Artikolu 17 dawn jistgħu jiġu ristretti għal reġjun tal-Unjoni jew iktar.

Madankollu, tali miżuri ma għandhomx jipprevjenu r-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li jkunu diġà fi triqthom lejn l-Unjoni sakemm id-destinazzjoni ta' tali prodotti ma tkunx tista' tiġi mibdula u li dawk il-prodotti li, skont l-Artikoli 10 u 11, jistgħu jinħarġu fiċ-ċirkolazzjoni libera biss jekk meta jiġi ppreżentat dokument tas-sorveljanza jkunu fil-fatt akkumpanjati minn tali dokument.

6.   Fejn l-intervent mill-Kummissjoni jkun intalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(3), jew f'każijiet ta' urġenza, skont l-Artikolu 3(4), għandha tieħu deċiżjoni fi żmien mhux iktar minn ħamest ijiem tax-xogħol minn mid-data meta tirċievi tali talba.

Artikolu 16

Fejn meħtieġ mill-interessi tal-Unjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(3) u t-termini tal-Kapitolu III, tista' tadotta miżuri xierqa sabiex prodott ma jitħalliex jiġi importat ġewwa l-Unjoni fi kwantitajiet sostanzjalment akbar u/jew skont dawk it-termini jew kondizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni tal-istess prodotti jew ta' prodotti f'kompetizzjoni diretta magħhom.

Għandu japplika l-Artikolu 15(2) sa (5).

Artikolu 17

Fejn jirriżulta, primarjament fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 9, li l-kondizzjonijiet stabbiliti sabiex jiġu adottati l-miżuri taħt l-Artikoli 10 u 15 jiġu sodisfatti f'reġjun jew iktar tal-Unjoni, il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat soluzzjonijiet alternattivi, tista' eċċezzjonalment tawtorizza li jiġu applikati miżuri tas-sorveljanza jew tas-salvagwardja limitati għar-reġjun(i) interessat(i) jekk tikkonsidra li tali miżuri applikati f'dan il-livell ikunu aktar xierqa mill-miżuri applikati fl-Unjoni intiera.

Dawn il-miżuri jridu jkunu temporanji u jridu jfixklu l-operat tas-suq intern mill-inqas possibbli.

Il-miżuri għandhom jiġu adottati konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 10 u 15.

Artikolu 18

Ma tista' tiġi applikata l-ebda miżura ta' salvagwardja għal prodott li joriġina f'pajjiż Membru tad-WTO li qiegħed jiżviluppa sakemm is-sehem ta' dan il-pajjiż fl-importazzjonijiet tal-prodott fil-kwistjoni fl-Unjoni ma jaqbiżx it-3 %, dment li l-pajjiżi Membri tad-WTO li qegħdin jiżviluppaw u li jkollhom sehem fl-importazzjoni ta' inqas minn 3 % jakkontaw b'mod kollettiv għal mhux aktar minn 9 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-prodott interessat.

Artikolu 19

1.   It-tul taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja irid ikun limitat għal perjodu ta' żmien meħtieġ sabiex jipprevjeni jew jirrimedja dannu serju u sabiex jiffaċilita l-aġġustament min-naħa tal-produtturi tal-Unjoni. Il-perjodu taż-żmien ma għandux jaqbeż l-erba' snin, inkuż it-tul taż-żmien ta' kwalunkwe miżura provviżorja.

2.   Dan il-perjodu inizjali taż-żmien jista' jiġi estiż, għajr fil-każ tal-miżuri msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(4) sakemm jiġi stabbilit li:

(a)

l-miżura tas-salvagwardja tissokta meħtieġa sabiex tipprevjeni jew tirrimedja dannu serju;

(b)

ikun hemm evidenza li l-produtturi tal-Unjoni jkunu qegħdin jagħmlu l-aġġustamenti.

3.   Għandhom jiġu adottati estensjonijiet konformement mat-termini tal-Kapitolu III u bl-użu tal-istess proċeduri bħall-miżuri inizjali. Miżura li tiġi estiża b'dan il-mod ma għandhiex tkun aktar restrittiva milli kienet fl-aħħar tal-perjodu inizjali taż-żmien.

4.   Jekk it-tul taż-żmien tal-miżura taqbeż is-sena, il-miżura trid tiġi liberalizzata progressivament f'intervalli regolari matul il-perjodu taż-żmien tal-applikazzjoni, li jinkludi l-perjodu taż-żmien tal-estensjoni.

5.   Il-perjodu totali taż-żmien tal-applikazzjoni ta' miżura tas-salvagwardja, inklużi l-perjodu taż-żmien tal-applikazzjoni ta' kull miżura provviżorja, il-perjodu inizjali taż-żmien tal-applikazzjoni u kull proroga tiegħu, ma jistax jaqbeż it-tmien snin.

Artikolu 20

1.   Filwaqt li tkun fis-seħħ kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja applikata f'konformità mal-Kapitoli IV u V, il-Kummissjoni tista', jew fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, u mhux aktar tard minn nofs il-perijodu tal-applikazzjoni ta' miżuri li japplikaw għal perijodu ta' żmien ta' iktar minn tliet snin:

(a)

teżamina l-effetti tal-miżura;

(b)

tistabbilixxi jekk ikunx xieraq li jitħaffef il-pass tal-liberalizzazzjoni u b'liema mod;

(c)

taċċerta jekk l-applikazzjoni tal-miżura tkunx għadha meħtieġa.

Fejn il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni ta' miżura tkun għadha meħtieġa, hija għandha tgħarraf lill-Istati Membri dwar dan.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura ta' sorveljanza jew ta' salvagwardja msemmija fl-Artikoli 10, 12, 15, 16 u 17 għandha titħassar jew tiġi emendata, hija għandha, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4(3), tħassar jew temenda l-miżura.

Fejn id-deċiżjoni tirrigwarda l-miżuri ta' sorveljanza reġjonali, din għandha tapplika mis-sitt jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 21

1.   Fejn l-importazzjonijiet ta' prodott ikunu diġà bla ħsara għal kull miżura ta' salvagwardja, l-ebda miżura ulterjuri ma għandha tiġi applikata għal dan il-prodott sakemm jiskadi t-tul taż-żmien ugwali għall-miżura preċedenti. Dan il-perjodu taż-żmien ma għandux ikun inqas minn sentejn.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, tista' tiġi imposta mill-ġdid miżura ta' salvagwardja ta' 180 ġurnata jew inqas fuq prodott jekk:

(a)

tkun għaddiet mill-inqas sena mid-data tal-introduzzjoni ta' kull miżura tas-salvagwardja fuq l-importazzjoni ta' dan il-prodott; u

(b)

din il-miżura tas-salvagwardja ma tkunx ġiet applikata għall-istess prodott għal aktar minn darbtejn fil-perjodu taż-żmien ta' ħames snin minnufih qabel id-data tal-introduzzjoni tal-miżura.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Fejn meħtieġ fl-interessi tal-Unjoni, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(3), tista' tadotta l-miżuri xierqa li jimplimentaw l-atti leġislattivi sabiex id-drittijiet u l-obbligi tal-Unjoni jew tal-Istati Membri kollha, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kummerċ fi prodotti bażiċi, jiġu eżerċitati u jitwettqu f'livell internazzjonali.

Artikolu 23

Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (9).

Artikolu 24

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi milli jitwettqu l-obbligi li joħorġu mir-regoli speċjali li jkunu jinsabu fi ftehimijiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

2.   Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-adozzjoni jew l-applikazzjoni mill-Istati Membri ta':

(a)

projbizzjonijiet, restrizzjonijiet kwantitattivi jew miżuri tas-sorveljanza għal raġunijiet ta' moralità pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni umani, tal-annimali jew tal-pjanti, il-protezzjoni tat-teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali;

(b)

formalitajiet speċjali li jirrigwardaw il-kambju tal-flus barranin;

(c)

formalitajiet introdotti permezz ta' ftehim internazzjonali taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri jew il-formalitajiet li jkun bi ħsiebhom jintroduċu jew jemendaw skont l-ewwel subparagrafu.

F'każ ta' urġenza estrema, dawn il-miżuri jew formalitajiet nazzjonali għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni minnufih mal-adozzjoni tagħhom.

Artikolu 25

1.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-operazzjoni tal-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Unjoni jew nazzjonali li joħorġu minnhom jew tal-istrumenti speċifiċi li japplikaw għall-oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli; għandu jaħdem b'mod komplimentari għal dawk l-istrumenti.

2.   Fil-każ tal-prodotti li huma koperti permezz tal-istrumenti msemmija fil-paragrafu 1, l-Artikoli 10 sa 14 u l-Artikolu 21 ma għandhomx japplikaw għal dawk li rigward tagħhom ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kummerċ ma' pajjiżi terzi jeħtieġu l-preżentazzjoni ta'-liċenzja jew ta' dokument ieħor tal-importazzjoni.

L-Artikoli 15, 17 u 20 sa 24 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-prodotti li dwarhom tali regoli jipprovdu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni.

Artikolu 26

Ir-Regolament (KE) Nru 260/2009 huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw konformement mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 27

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94 tas-7 ta' Marzu 1994 dwar ir-regoli komuni tal-importazzjoni tal-prodotti tat-tessuti minn ċerti pajjiżi terzi mhux koperti bi ftehimijiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifika tal-Komunità (ĠU L 67, 10.3.1994, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 625/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet minn ċerti pajjiżi terzi (ĠU L 185, 17.7.2009, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(9)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MAL-EMENDA GĦALIH

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009

(ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 19 tal-Anness biss


ANNESS III

TABELLA TA' KORELAZZJONI

Regolament (KE) Nru 260/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 11

Artikolu 10

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

Artikolu 12

Artikolu 14

Artikolu 13

Artikolu 15

Artikolu 14

Artikolu 16

Artikolu 15

Artikolu 17

Artikolu 16

Artikolu 18

Artikolu 17

Artikolu 19

Artikolu 18

Artikolu 20

Artikolu 19

Artikolu 21

Artikolu 20

Artikolu 22

Artikolu 21

Artikolu 23

Artikolu 22

Artikolu 23a

Artikolu 23

Artikoli 24 sa 27

Artikoli 24 sa 27

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III


27.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/34


REGOLAMENT (UE) 2015/479 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2015

dwar regoli komuni għall-esportazzjoni

(kodifikazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, dak ir-Regolament għandu jiġi kkodifikat.

(2)

Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi.

(3)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni għall-esportazzjoni mill-Unjoni.

(4)

L-esportazzjoni hija kważi kompletament liberalizzata fl-Istati Membri kollha. Għalhekk huwa possibbli li jkun aċċettat, bħala prinċipju tal-Unjoni, il-prinċipju li l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi mhix soġġetta għal kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva, ħlief għad-derogi previsti f'dan ir-Regolament u bla ħsara għal dawk il-miżuri li Stati Membi jistgħu jieħdu f'konformità mat-Trattat.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata kull meta Stat Membru jikkunsidra li miżuri protettivi jistgħu ikunu meħtieġa minħabba żviluppi eċċezzjonali fis-suq.

(6)

Huwa essenzjali li jsir eżami fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' informazzjoni ta' dak it-tip, tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-esportazzjoni, tax-xejriet tal-esportazzjoni, tad-diversi aspetti tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali, u tal-miżuri li jkollhom jittieħdu skont il-każ.

(7)

Minn dak l-eżami jista' jsir evidenti li l-Unjoni għandha teżerċita sorveljanza fuq ċerti esportazzjonijiet, jew li jiġu introdotti miżuri protettivi interim bħala salvagwardja kontra prattiċi mhux previsti.

(8)

Kwalunkwe miżura protettiva meħtieġa mill-interessi tal-Unjoni għandha tkun adottata skont l-obbligi internazzjonali eżistenti.

(9)

Hu neċessarju li l-Istati Membri li huma marbuta b'impenji internazzjonali jiġu awtorizzati li jwaqqfu, f'każijiet ta' diffikultajiet attwali jew potenzjali ta' fornitura, sistema għall-allokazzjoni ta' prodotti taż-żejt bejn il-partijiet kontraenti biex jikkonformaw mal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw fir-rigward tal-pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Unjoni adottati bl-istess għan. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tapplika sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri xierqa skont l-impenji li jieħdu l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kollha, sew jekk ikunu industrijali jew agrikoli. Għandu jopera b'mod komplementarju għall-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, u għall-istrumenti speċjali adottati skont l-Artikolu 352 tat-Trattat għal prodotti agrikoli proċessati. Kwalunkwe koinċidenza bejn id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet ta' dawk l-istrumenti, b'mod partikolari l-klawsoli protettivi tagħhom, għandha madanakollu tkun evitata.

(11)

L-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li jkun hemm kondizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta' miżuri protettivi. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

PRINĊIPJU BAŻIKU

Artikolu 1

L-esportazzjoni ta' prodotti mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi għandha tkun ħielsa, jiġifieri, ma għandhiex tkun soġġetta għal restrizzjonijiet kwantitattivi, bl-eċċezzjoni ta' dawk ir-restrizzjonijiet li huma applikati f'konformità ma' dan ir-Regolament.

KAPITOLU II

PROĊEDURA TA' INFORMAZZJONI U KONSULTAZZJONI TAL-UNJONI

Artikolu 2

Jekk, bħala riżultat ta' kwalunkwe żviluppi mhux tas-soltu fis-suq, Stat Membru jikkunsidra li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri protettivi skont it-tifsira tal- Kapitolu III, hu għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, li għandha tavża lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 3

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat dwar is-Salvagwardji, stabbilit bir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

Artikolu 4

Għall-iskop tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u kummerċjali f'dak li jirrigwardja prodott partikolari, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-informazzjoni statistika dwar ix-xejriet tas-suq għal dak il-prodott u, għal dak l-għan, billi jaġixxu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom u skont proċedura speċifikata mill-Kummissjoni, jissorveljaw l-esportazzjoni ta' prodott bħal dak. L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe passi li jkunu meħtieġa sabiex jissodisfaw it-talbiet tal-Kummissjoni u għandhom jagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

KAPITOLU III

MIŻURI PROTETTIVI

Artikolu 5

1.   Sabiex tkun evitata sitwazzjoni kritika li toriġina minħabba nuqqas ta' prodotti essenzjali, jew sabiex tkun rimedjata sitwazzjoni ta' dak it-tip, u meta l-interessi tal-Unjoni jitolbu intervent immedjat, il-Kummissjoni, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u filwaqt li tqis in-natura tal-prodotti u l-karatteristiċi partikolari l-oħra tat-transazzjonijiet ikkonċernati, tista' tagħmel l-esportazzjoni ta' prodott soġġett għall-produzzjoni ta' awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni, li l-għoti tagħha għandu jkun irregolat minn dispożizzjonijiet ta' dan it-tip u fil-limiti li l-Kummissjoni tfassal f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2), jew, f'każijiet ta' urġenza, skont l-Artikolu 3(3).

2.   Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri għandhom ikunu notifikati bil-miżuri meħuda. Miżuri bħal dawn għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament.

3.   Il-miżuri jistgħu jkunu limitati għall-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi jew għall-esportazzjoni minn ċerti reġjuni tal-Unjoni. Huma ma għandhomx jaffetwaw prodotti li jkunu diġà fi triqithom lejn il-fruntiera tal-Unjoni.

4.   Fejn l-intervent tal-Kummissjoni jkun intalab minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni f'konformità mal-paragrafu 1 f'perijodu massimu ta' ħamest ijiem tax-xogħol mid-data meta tirċievi t-talba.

5.   Fejn il-Kummissjoni tkun aġixxiet skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, hija għandha, sa mhux aktar tard minn 12-il jum tax-xogħol wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura li tkun ħadet, tiddeċiedi jekk tadottax miżuri xierqa kif stipulat fl-Artikolu 6. Jekk, wara sitt ġimgħat mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżura, ma tkun ġiet adottata l-ebda miżura, il-miżura kkonċernata għandha titqies li tkun tħassret.

Artikolu 6

1.   Fejn meħtieġ fl-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista', filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2), tadotta miżuri xierqa:

(a)

biex jiġi evitat li tqum sitwazzjoni kritika minħabba nuqqas ta' prodotti essenzjali, jew sabiex tirrimedja għal tali sitwazzjoni;

(b)

biex ikun possibbli li obbligi internazzjonali miftiehma mill-Unjoni jew mill-Istati Membri kollha jkunu issodisfati, b'mod partikolari dawk li jkollhom x'jaqsmu ma' negozju fi prodotti primarji.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu limitati għall-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi jew għall-esportazzjoni minn ċerti reġjuni tal-Unjoni. Huma ma għandhomx jaffetwaw prodotti li jkunu diġà fi triqithom lejn il-fruntiera tal-Unjoni.

3.   Meta jiġi introdotti restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni, għandu jkun ikkunsidrat b'mod partikolari:

(a)

il-volum tal-oġġetti esportati skont kuntratti konklużi fuq termini u kondizzjonijiet normali qabel id-dħul fis-seħħ ta' miżura protettiva skont it-tifsira ta' dan il-Kapitolu u notifikat mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni f'konformità mal-liġijiet nazzjonali tiegħu; u

(b)

il-bżonn li jkun evitat li jiġi preġudikat l-ilħuq tal-għan wara l-introduzzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi.

Artikolu 7

1.   Filwaqt li tkun fis-seħħ kwalunkwe miżura msemmija fl-Artikoli 5 u 6, il-Kummissjoni tista', jew fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess:

(a)

teżamina l-effetti tal-miżura;

(b)

taċċerta jekk l-applikazzjoni tal-miżura għadhiex neċessarja.

Fejn il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tal-miżura tkun għadha meħtieġa, hija għandha tinforma lill-Istati Membri.

2.   Fejn il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe miżura prevista fl-Artikolu 5 jew 6 għandha titħassar jew tiġi emendata, hija għandha taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 3(2).

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI

Artikolu 8

Fir-rigward tal-prodotti elenkati fl-Anness I, sakemm il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw miżuri xierqa skont l-impenji internazzjonali li jidħlu fihom l-Unjoni jew l-Istati Membri kollha, l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għar-regoli adottati mill-Unjoni f'dan il-qasam, ikunu awtorizzati li jimplimentaw is-sistema ta' tqassim ta' emerġenza li tintroduċi obbligu ta' allokazzjoni fil-konfront ta' pajjiżi terzi, prevista fl-impenji internazzjonali li jidħlu fihom qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kumissjoni bil-miżuri li jkollhom il-ħsieb li jadottaw. Il-miżuri adottati għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 9

Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali, li tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 22a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

Artikolu 10

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet oħrajn tal-Unjoni, dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni l-adozzjoni jew l-applikazzjoni minn Stat Membru ta' restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjoni fuq il-bażi ta' moralità pubblika, ordni pubbliku jew sigurtà pubblika, jew il-ħarsien tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, tal-annimali jew tal-pjanti; il-ħarsien ta' teżori nazzjonali li jkollhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, jew il-ħarsien ta' propjetà industrijali jew kummerċjali.

Artikolu 11

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-operat tal-istrumenti li jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, jew tal-istrumenti speċjali adottati skont l-Artikolu 352 tat-Trattat għal prodotti agrikoli proċessati. Huwa għandu jopera b'mod komplementarju għal dawk l-istrumenti.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għal prodotti koperti minn tali strumenti u li fir-rigward tagħhom ir-regoli tal-Unjoni dwar negozju ma' pajjiżi terzi jagħmlu dispożizzjoni għall-applikazzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi għall-esportazzjoni. L-Artikolu 4 ma japplikax għal prodotti li fir-rigward tagħhom tali regoli jirrikjedu li tiġi ppreżentata liċenzja jew dokument ieħor għall-esportazzjoni.

Artikolu 12

Ir-Regolament (KE) Nru 1061/2009, huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

Z. KALNIŅA-LUKAŠEVICA


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Diċembru 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009 tad-19 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-esportazzjonjiet (ĠU L 291, 7.11.2009, p. 1).

(4)  Ara l-Anness II.

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (Ara paġna 16 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).


ANNESS I

Prodotti msemmija fl-Artikolu 8

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

2709 00

Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali tal-bitum, mhux raffinati

2710

Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali tal-bitum, ta' xort'oħra minn dawk mhux raffinati; preparati mhux speċifikati jew inklużi mkien ieħor, li jkun fihom 70 % jew iktar skont il-piż ta' żjut tal-petroleum jew ta' żjut miksuba minn minerali bituminużi, liema iż-żjut bħala l-kostitwenti bażiċi tal-preparati; żjut għar-rimi:

2710 11 11 sa 2710 11 90

Żjut ħfief

2710 19 11 sa 2710 19 99

Żjut medji

2710 19 31 sa 2710 19 99

Żjut tqal, ħlief żjut ta' lubrikazzjoni, użati f'arloġġi u fl-arloġġi tal-polz, ippreżentati f'kontenituri żgħar li ma jkunx fihom iktar minn 250 g nett ta' żejt

2711

Gassijiet tal-petroleum u idrokarburi gassużi oħra:

Likwifikati

2711 12

– –

Propan:

– – –

Propan ta' purità ta' mhux inqas minn 99 %

– – –

Oħrajn

2711 13

– –

Butani

Fi stat gassuż:

ex 2711 29 00

– –

Oħrajn:

– – –

Propan

– – –

Butani


ANNESS II

Ir-Regolament imħassar flimkien mal-emenda għalih

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1061/2009

(ĠU L 291, 7.11.2009, p. 1)

 

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 18, 21.1.2014, p. 1)

Il-punt 21biss tal-Anness


ANNESS III

Tabella ta' Korrelazzjoni

Regolament (KE) Nru 1061/2009

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 4

Artikolu 3

Artikolu 5

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Artikolu 7

Artikolu 6

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 9a

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu

Artikolu 13

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness III