ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 53

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 58
25 ta' Frar 2015


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/291 tad-19 ta' Frar 2015 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Asparago bianco di Cimadolmo (IĠP)]

1

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/292 tal-24 ta' Frar 2015 li japprova d-diossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodott tat-tip 15 ( 1 )

3

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/293 tal-24 ta' Frar 2015 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Liliputas (IĠP)]

5

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/294 tal-24 ta' Frar 2015 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

8

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/295 tal-24 ta' Frar 2015 dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti MELCO GXi bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 )

11

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 tal-24 ta' Frar 2015 li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern ( 1 )

14

 

*

Deċiżjoni (UE) 2015/297 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2014/56)

21

 

*

Deċiżjoni (UE) 2015/298 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2014 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57)

24

 

*

Deċiżjoni (UE) 2015/299 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2015 li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma' operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (BĊE/2015/5)

27

 

*

Deċiżjoni (UE) 2015/300 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-10 ta' Frar 2015 dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6)

29

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE ( ĠU L 158, 27.5.2014 )

31

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/291

tad-19 ta' Frar 2015

li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Asparago bianco di Cimadolmo (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni tal-Italja għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Asparago bianco di Cimadolmo”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2002 (2).

(2)

Ġaladarba l-modifika kkonċernata mhijiex minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għall-emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), kif stipulat fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi.

(3)

Billi l-Kummissjoni ma ġiet mgħarrfa bl-ebda dikjarazzjoni ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-emenda tal-ispeċifikazzjoni għandha tiġi approvata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda tal-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna d-denominazzjoni “Asparago bianco di Cimadolmo” (IĠP) hija b'dan approvata.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 245/2002 tat-8 ta' Frar 2002 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta' ċerti ismijiet fir-Reġistru tad-denominazzjoni protetta ta' oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti ipprovdut bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti u l-oġġetti tal-ikel agrikoli (ĠU L 39, 9.2.2002, p. 12).

(3)  ĠU C 371, 18.10.2014, p. 22.


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/292

tal-24 ta' Frar 2015

li japprova d-diossidu tal-karbonju bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodott tat-tip 15

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 90(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Frar 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi rċevew applikazzjoni, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), għall-inklużjoni tas-sustanza attiva diossidu tal-karbonju fl-Anness I tagħha għall-użu fi prodott tat-tip 15, aviċidi, kif definiti fl-Anness V ta' dik id-Direttiva.

(2)

Il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw rapport ta' valutazzjoni, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħhom, lill-Kummissjoni fit-30 ta' Awwissu 2013 skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

L-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġiet ifformulata fis-17 ta' Ġunju 2014 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.

(4)

Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali użati għall-prodott tat-tip 15 u li fihom id-diossidu tal-karbonju huma mistennija jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/8/KE, sakemm ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tiegħu jiġu ssodisfati.

(5)

Għaldaqstant, huwa xieraq li l-użu tad-diossidu tal-karbonju fil-prodotti bijoċidali għall-prodott tat-tip 15 jiġi approvat, soġġett għall-konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.

(6)

Billi l-valutazzjoni ma indirizzatx in-nanomaterjali, l-approvazzjoni ma għandhiex tkopri tali materjali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-diossidu tal-karbonju għandu jiġi approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodott tat-tip 15, soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).


ANNESS

Isem Komuni

Isem tal-IUPAC

Numri tal-Identifikazzjoni

Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva (1)

Data tal-approvazzjoni

Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni

Tip ta' prodott

Kundizzjonijiet speċifiċi (2)

Diossidu tal-karbonju

Isem tal-IUPAC:

Diossidu tal-karbonju

Nru tal-KE: 204-696-9

Nru tal-CAS: 124-38-9

999 mL/L

fl-1 ta' Ġunju 2015

fil-31 ta' Mejju 2025

15

Il-valutazzjoni tal-prodott għandha tagħti attenzjoni partikolari għall-esponimenti, ir-riskji u l-effikaċja marbuta ma' kwalunkwe użu kopert minn applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, iżda mhux indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni tas-sustanza attiva.

Għall-prodotti bijoċidali, l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-prodotti għandhom jiġu fornuti biss lil professjonisti mħarrġin u użati minnhom biss.

(2)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa, inkluż, jekk meħtieġ, id-disponibbiltà ta' tagħmir personali protettiv (TPP), għall-protezzjoni tal-utenti.

(3)

Għandhom jittieħdu miżuri xierqa, bħall-esklużjoni miż-żona tat-trattament, sabiex jitħarsu l-persuni li jkunu fil-qrib.

(4)

Id-dożi ta' applikazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-użu għandhom jiżguraw li t-tjur jinqatlu mingħajr uġigħ u tbatija bla bżonn.

(5)

Il-kundizzjonijiet tal-użu għandhom jispeċifikaw li d-diossidu tal-karbonju għandu jintuża jekk ma jkunx hemm għażla oħra, fil-kuntest ta' strateġija ta' ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara, li l-għan tagħha għandu jkun li tillimita għall-minimu r-rikors għal tali prodott.


(1)  Il-purità indikata f'din il-kolonna kienet il-grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva użat għall-evalwazzjoni li saret b'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Is-sustanza attiva fil-prodott imqiegħed fis-suq jista' jkollha l-istess purità jew purità differenti jekk ikun ġie ppruvat li hija teknikament ekwivalenti għas-sustanza attiva evalwata.

(2)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-Anness VI tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti tal-valutazzjoni jinsabu fuq is-sit tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/environment/chemicals/biocides/index_en.htm.


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/293

tal-24 ta' Frar 2015

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Liliputas (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikoli 15(2) u 52(3)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Litwanja biex tirreġistra d-denominazzjoni “Liliputas” ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Polonja opponiet ir-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 permezz tal-avviż ta' oppożizzjoni tat-13 ta' Settembru 2013 u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tat-8 ta' Novembru 2013. L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli.

(3)

Bl-ittri tat-8 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom fil-konsultazzjonijiet rilevanti biex jilħqu qbil bejniethom fi żmien sitt xhur skont il-proċeduri interni tagħhom.

(4)

Bil-kontra ta' dan, ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn il-Litwanja u l-Polonja.

(5)

Peress li ma ntlaħaq l-ebda qbil fiż-żmien stipulat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 52(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(6)

Bi qbil mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-parti opponenti allegat li r-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun ta' ħsara għal marki kummerċjali u għal prodotti b'isem li huwa kważi identiku, li ilhom legalment fis-suq Pollakk għal ħafna aktar minn ħames snin qabel ma ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta (15 ta' Ġunju 2013); skont il-parti opponenti, din ir-reġistrazzjoni tkun ta' periklu għall-eżistenza tal-prodott li jismu “Liliput”, li huwa ġobon Pollakk b'karatteristiċi simili għal dawk tal-ġobon “Liliputas” u li ismu huwa simili fonetikament għal “Liliputas”.

(7)

Il-parti opponenti ssostni li t-terminu “Liliput” b'mod ġenerali jintuża fil-Polonja biex jirreferi għal prodotti li jkunu kkaratterizzati miċ-ċokon tagħhom u jintuża wkoll għall-ġobon. Hemm ġobon bl-isem ta' “Liliput” li ilu jiġi prodott u kkummerċjalizzat b'mod legali fil-Polonja sa mill-1971. Fl-istandards tal-kumpaniji, fl-istruzzjonijiet tekniċi, u fin-normi għall-użu tal-materja prima, il-ġobon “Liliput” huwa elenkat fost tipi oħrajn ta' ġobon, bħalma huma l-Gouda, l-Edam u l-Emmental. Dan it-terminu li bih imsemmi l-ġobon Pollakk, huwa popolari mal-konsumaturi Pollakki u ma għandu l-ebda rabta mal-ġobon Litwan. Għaldaqstant għandu jitqies bħala terminu ġeneriku għal ġobon ġeneriku fil-Polonja. Rigward il-prodott, il-ġobon “Liliput” Pollakk jixbaħ ħafna, fil-karatteristiki, fid-dehra, u fid-daqs lill-ġobon Litwan “Liliputas”. Finalment, qed tgħid il-parti opponenti, il-ġobnijiet “Liliput” u “Liliputas” huma prodotti simili għal xulxin, u t-tnejn li huma jużaw isem ġeneriku. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun twaqqaf lill-produtturi Pollakki milli jikkummerċjalizzaw il-ġobon “Liliput” tagħhom, jew, jekk xejn ieħor, milli jużaw l-isem “Liliput” għal tip ta' ġobon.

(8)

Il-parti opponenti ssostni wkoll li l-prodott u l-isem li se jiġu rreġistrati ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Kif inhu ddikjarat fid-Dokument Uniku ppubblikat, il-ġobon issemma “Liliputas” minħabba ċ-ċokon tiegħu. Għaldaqstant, l-isem “Liliputas” ma jurix li l-prodott ġej minn xi post partikolari, iżda bħal isem il-ġobon Pollakk “Liliput” jirreferi biss għaċ-ċokon tal-ġobon. Barra minn hekk, il-kwalitajiet tal-prodott ma jistgħux jiġu attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu, iżda ġejjin sempliċiment mill-fatt li dan jiġi mmaturat bħala ġobniet tondi żgħar. L-impatt tal-moffa mikroskopika lokali Penicillium pallidum Smith fuq il-karatteristiki organolettiċi tal-“Liliputas” ma ġiex ippruvat. Barra minn hekk, il-fatt li l-prodott kien isir skont Standards tal-Istat fil-USSR (l-Unjoni ta' Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi) jikkonferma li seta' ġie prodott kullimkien fil-USSR u li ma hemm l-ebda rabta speċifika maż-żona ġeografika ddefinita. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġobon “Liliputas” għandu jitqies bħala prodott ġeneriku.

(9)

Għadd kbir ta' produtturi tal-ġobon Pollakki ngħataw il-protezzjoni għal marki kummerċjali li jinkorporaw il-kelma “Liliput”, bħall-kelma u l-marka kummerċjali figurattiva “Cheesland Liliput” u “Ser liliput”, u l-marka kummerċjali użata, il-kliem “Serenada Liliput”. Il-produzzjoni tal-“Liliput” Pollakk hija sostanzjali: fl-2013 ġew prodotti 2 762 tunnellata fuq skala industrijali u ġew ikkummerċjalizzati madwar il-Polonja kollha minn 2 250 ħanut, u 4,8 % tal-produzzjoni ġiet esportata fis-suq tal-UE. 90 % tal-produzzjoni tal-ġobon “Liliput” hija protetta minn marka kummerċjali. Fil-fehma tal-parti opponenti, ir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta tkun ta' ħsara għall-eżistenza ta' dawn il-marki kummerċjali.

(10)

Minkejja l-allegazzjonijiet imsemmijin hawn fuq li ressqet il-parti opponenti, jixraq li l-isem “Liliputas” jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta għar-raġunijiet li ġejjin.

(11)

Minkejja li l-isem “Liliputas” bilfors li oriġina minħabba ċ-ċokon tal-ġobna li jirreferi għaliha, jidher ċar li f'nofs seklu dak l-isem tilef l-assoċjazzjoni tiegħu maċ-ċokon fil-Litwanja, u fl-istess ħin kibret rabta soda bejnu u bejn iż-żona tal-produzzjoni tiegħu. Fil-Litwanja llum, l-isem “Liliputas” huwa mingħajr dubju marbut mal-ġobon iffermentat, kemxejn iebes u ta' kwalità għolja magħmul bl-idejn fir-raħal Belvederis. Il-konsumaturi Litwani ma' jassoċjawx lil dan l-isem ma' ġobon Pollakk jew ma' produzzjoni standard industrijali tal-ġobon. Għaldaqstant, minkejja li ma fihx referenza ġeografika, l-isem “Liliputas” jikkonforma mad-definizzjoni li hemm fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 li jistipula li Indikazzjoni Ġeografika Protetta hija isem li jidentifika prodott li jkun joriġina minn post, reġjun, jew pajjiż speċifiku.

(12)

Fid-dawl ta' dan, l-isem “Liliputas” ma jistax jitqies bħala isem ġeneriku. L-ismijiet ġeneriċi huma ismijiet li minkejja li fl-imgħoddi kellhom rabta mal-post fejn oriġinarjament kienu ġew prodotti jew ikkummerċjalizzati l-prodotti li jirreferu għalihom, dawn issa bl-ebda mod ma għadhom marbutin ma' din l-oriġini ġeografika. Fil-każ tal-“Liliputas” ġara eżattament bl-oppost. Oriġinarjament dan l-isem ma kellu ebda assoċjazzjoni mal-oriġini ġeografika tal-ġobon, iżda llum għandu rabta qawwija maż-żona tal-produzzjoni ta' dan il-ġobon.

(13)

Il-prodott għandu kwalitajiet u reputazzjoni li huma attribwiti għall-oriġini ġeografika tiegħu. Minkejja li d-Dokument Uniku ppubblikat jistqarr li l-ġobon ħa l-isem ta' “Liliputas” minħabba ċ-ċokon tiegħu, b'danakollu jagħmilha ċara wkoll li t-togħma u r-riħa speċifiċi tiegħu huma kkawżati mill-fatt li jiġi mmaturat bħala ġobniet tondi żgħar u permezz tal-mikroflora interni u l-moffa mikroskopika Penicillium pallidum Smith li tikber fil-kantini f'dik iż-żona ġeografika. Din il-moffa, li titrabba speċifikament fil-kantini tar-raħal Belvederis, tikkawża l-aċidu lattiku, it-togħma u r-riħa friski li jiddistingwu l-ġobon “Liliputas”. Iż-żona tipprovdi l-kundizzjonijiet speċjali biex tgħix din il-moffa. Barra minn hekk, il-fatt li l-ġobon isir bl-idejn u mingħajr l-użu ta' magni jgħin biex il-moffa tibqa' ħajja u tiżviluppa. Ta' min jgħid ukoll li l-“Liliputas” għandu reputazzjoni tajba dokumentata li hu l-prodott ewlieni fost il-prodotti tal-ħalib Litwani, li ġew deskritti b'mod preċiż fid-Dokument Uniku ppubblikat.

(14)

Għaldaqstant, id-distinzjonijiet bejn il-“Liliputas” u l-“Liliput” huma evidenti. Il-“Liliputas” ma jistax jitqies bħala prodott ġeneriku.

(15)

Rigward l-allegazzjonijiet li, peress li kien protett mill-istandards tal-USSR dan seta' jiġi prodott madwar l-USSR kollha, ta' min jinnota li l-inklużjoni tal-prodotti f'dan l-istandard dak iż-żmien kienet obbligatorja. Barra minn hekk, dawn iċ-ċirkostanzi ma jfissrux li l-prodott, kif inhu deskritt fl-istandard li ddaħħal bl-inizjattiva tal-Litwanja, qatt ġie prodott f'xi żona oħra. Bejn l-1969 u l-1979 dan il-prodott ingħata bosta premji, diplomi, marki ta' kwalità u medalji, u kien magħruf sew bħala ġobon Litwan prodott fir-raħal ta' Belvederis.

(16)

It-terminu “Liliput” jixbaħ fonetikament lit-terminu “Liliputas” li se jiġi rreġistrat. Iż-żewġ ismijiet li huma oriġinaw minħabba ċ-ċokon tal-ġobna. Minkejja li l-ġobon “Liliputas” huwa prodott bi karatteristiki, kwalitajiet u reputazzjoni distinti ħafna, il-ġobon “Liliput” għandu aspetti li jġibuh jixbah lill-ġobon “Liliputas”. Billi l-ismijiet huma simili, u minħabba x-xebh fid-dehra tal-prodotti, jekk tingħata l-protezzjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jista' jirriżulta li, jekk il-“Liliputas” jiġi rreġistrat, dan iwaqqaf lill-produtturi tal-ġobon Pollakki milli jużaw it-terminu “Liliput”.

(17)

L-evidenza turi li l-użu ta' dan it-terminu “Liliput” qatt ma kien maħsub biex tiġi sfruttata r-reputazzjoni tal-isem “Liliputas”. Il-konsumaturi ma ġewx imqarrqa, u qatt ma setgħu jitqarrqu dwar l-oriġini veri taż-żewġ prodotti. Tabilħaqq, iż-żewġ prodotti jgawdu żewġt iswieq separati fejn huma magħrufin sew u fejn jiġu identifikati tajjeb. Għal dawn ir-raġunijiet, u billi ntwera li l-isem “Liliput” ilu jintuża b'mod konsistenti, legali u ġust, għal mill-inqas 25 sena qabel ma tressqet l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” lill-Kummissjoni, fl-interess tal-ekwità u tal-użu tradizzjonali, għandu jingħata l-perjodu tranżitorju massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(18)

Din il-konklużjoni ma twassalx biex l-użu tal-isem “Liliput” isir illegali. Bi qbil mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jekk jista' jiġi stabbilit li, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti, u b'mod partikolari l-qagħda attwali taż-żoni ta' konsum tal-prodott u l-atti legali rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni, l-isem “Liliput” sar terminu ġeneriku u l-użu tiegħu ma jiġix affettwat bir-reġistrazzjoni tal-isem “Liliputas”.

(19)

Rigward il-marki kummerċjali li fihom it-terminu “Liliput” u li kien hemm applikazzjoni għalihom, dawn kienu rreġistrati jew stabbiliti f'bonafidi fit-territorju tal-Unjoni qabel ma saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' “Liliputas” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, dawn il-marki kummerċjali jistgħu jibqgħu jintużaw u jiġġeddu għal dak il-prodott, sakemm jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ġenerali l-oħra skont il-leġiżlazzjoni dwar il-marki kummerċjali.

(20)

Fid-dawl ta' dan kollu, l-isem “Liliputas” għandu jiddaħħal fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti tal-oriġini u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti.

(21)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni dwar il-Kwalità tal-prodotti agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Liliputas” (IĠP) huwa reġistrat.

L-isem fl-ewwel inċiż ta' dan l-Artikolu jidentifika prodott tal-klassi 1.3. Ġobon tal-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

It-terminu “Liliput” jista' jintuża biex jindika ġobon li ma jikkonformax mal-Ispeċifikazzjoni tal-“Liliputas” għal perjodu ta' 15-il sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU C 170, 15.6.2013, p. 46.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/294

tal-24 ta' Frar 2015

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 kg)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

EG

169,3

IL

81,7

MA

91,9

TR

116,8

ZZ

114,9

0707 00 05

TR

187,1

ZZ

187,1

0709 93 10

MA

140,7

TR

215,2

ZZ

178,0

0805 10 20

EG

45,9

IL

72,3

MA

47,6

TN

50,8

TR

68,9

ZZ

57,1

0805 20 10

IL

132,4

MA

96,3

ZZ

114,4

0805 20 30 , 0805 20 50 , 0805 20 70 , 0805 20 90

EG

80,3

IL

151,7

JM

118,2

MA

101,6

TR

85,4

US

143,7

ZZ

113,5

0805 50 10

EG

41,5

TR

51,6

ZZ

46,6

0808 10 80

BR

69,5

CL

95,2

MK

29,8

US

151,4

ZZ

86,5

0808 30 90

CL

155,9

CN

99,9

US

122,7

ZA

92,9

ZZ

117,9


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/295

tal-24 ta' Frar 2015

dwar l-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti MELCO GXi bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-fornitur Mitsubishi Electric Corporation (MELCO), irrappreżentat fl-Unjoni minn Mitsubishi Electric Automotive Europe B.V, (l-“Applikant”) issottometta applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-alternatur effiċjenti ta' MELCO GXi bħala teknoloġija innovattiva fl-24 ta' Ġunju 2014. Il-kompletezza tal-applikazzjoni ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 (2). Il-Kummissjoni sabet li fl-applikazzjoni oriġinali tħalliet barra ċerta informazzjoni rilevanti u talbet lill-Applikant jipprovdiha. Il-Kummissjoni rċeviet l-informazzjoni kompluta fl-10 ta' Lulju 2014 u bdiet tevalwa l-applikazzjoni l-għada.

(2)

L-applikazzjoni, li ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 u skont il-Linji Gwida Tekniċi għat-tħejjija tal-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (il-“Linji Gwida Tekniċi”) (3), instabet li kienet kompluta.

(3)

L-applikazzjoni tirreferi għall-alternatur effiċjenti MELCO GXi, għall-klassijiet ta' kurrent minn 130 A sa 250 A. L-alternatur għandu effiċjenza għolja kif iddeterminat skont l-approċċ VDA deskritt fil-punt 5.1.2 fl-Anness I tal-Linji Gwida Tekniċi. Dak l-approċċ jirreferi għall-metodoloġija tal-ittestjar speċifikata fl-Istandard internazzjonali ISO 8854:2012 (4). L-alternatur tal-Applikant għandu effiċjenza ogħla meta mqabbel mal-alternatur ta' referenza, peress li jnaqqas dawn it-tliet tipi ta' telf: telf tar-rettifika bis-saħħa ta' dijodu ġdid b'telf baxx ta' enerġija; telf ta' ħadid fl-istatur bl-użu ta' qalba tal-azzar elettromanjetiku rqiq u ta' grad għoli, u telf ta' ram fl-istatur bl-użu ta' statur b'fattur għoli ta' mili u bl-applikazzjoni ta' struttura assjali ta' tberrid.

(4)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-informazzjoni pprovduta mill-applikant turi li ntlaħqu l-kundizzjonijiet u l-kriterji msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(5)

L-Applikant wera li l-użu ta' alternatur ta' effiċjenza għolja tat-tip deskritt f'din l-applikazzjoni ma kienx jaqbeż 3 % tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri rreġistrati fis-sena ta' referenza 2009.

(6)

Sabiex jiġi ddeterminat l-iffrankar ta' CO2 li t-teknoloġija innovattiva se tagħti meta vettura tiġi armata biha, huwa meħtieġ li tiġi ddefinita l-vettura ta' referenza li magħha se titqabbel l-effiċjenza tal-vettura mgħammra bit-teknoloġija innovattiva kif ipprovdut fl-Artikoli 5 u 8 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011. Il-Kummissjoni tara li huwa xieraq li jitqies alternatur b'effiċjenza ta' 67 % bħala teknoloġija xierqa ta' referenza fil-każ li t-teknoloġija innovattiva tiġi installata fuq tip ta' vettura ġdida. Meta l-alternatur effiċjenti MELCO GXi jiġi installat fuq tip ta' vettura eżistenti, it-teknoloġija ta' referenza għandha tkun l-alternatur tal-verżjoni l-aktar reċenti ta' dak it-tip imqiegħed fis-suq.

(7)

L-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis ta' CO2 li tinkludi formoli li huma konsistenti mal-formoli deskritti fil-Linji Gwida Tekniċi għall-metodu ssimplifikat fir-rigward tal-alternaturi effiċjenti. Il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija tal-ittestjar se tipprovdi riżultati tal-ittestjar li huma verifikabbli, ripetibbli u komparabbli u li kapaċi turi b'mod realistiku l-benefiċċji rigward l-emissjonijiet ta' CO2 tat-teknoloġija innovattiva b'sinifikat statistiku qawwi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(8)

L-Applikant ipprovda metodoloġija għall-ittestjar tat-tnaqqis ta' CO2 li tinkludi formoli li huma bbażati fuq il-Linji Gwida Tekniċi fir-rigward tal-alternaturi effiċjenti. Il-Kummissjoni tinnota li l-metodoloġija tal-ittestjar u l-formoli użati mill-Applikant għall-kalkolu tal-iffrankar ta' CO2 fiż-żewġ każijiet huma identiċi fl-aspetti kollha mal-metodoloġija speċifikata fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE (5). Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija speċifikata fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE għandha tintuża biex jiġi ddeterminat it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 dovut għall-użu tal-alternatur effiċjenti MELCO GXi.

(9)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssib li l-Applikant wera b'mod sodisfaċenti li t-tnaqqis fl-emissjonijiet miksub mit-teknoloġija innovattiva huwa tal-anqas ta' 1 g CO2/km.

(10)

Il-Kummissjoni tinnota li l-iffrankar tat-teknoloġija innovattiva jista' jintwera parzjalment permezz taċ-ċiklu tat-test standard, u li l-iffrankar totali finali li jrid jiġi ċċertifikat għalhekk għandu jkun iddeterminat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

(11)

Il-Kummissjoni ssib li r-rapport ta' verifika tħejja mill-UTAC (Groupe UTAC CERAM) u li r-rapport jappoġġja s-sejbiet stipulati fl-applikazzjoni.

(12)

F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssib li ma għandha tagħmel ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-approvazzjoni tat-teknoloġija innovattiva inkwistjoni.

(13)

Bil-għan li jiġi stabbilit il-kodiċi tal-ekoinnovazzjoni ġenerali li għandu jintuża fid-dokumenti tal-approvazzjoni tat-tip rilevanti skont l-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), għandu jiġi speċifikat il-kodiċi individwali li għandu jintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni,

(14)

Kwalunkwe manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji speċifiċi ta' CO2 tiegħu sabiex jilħaq il-mira speċifika tal-emissjonijiet tiegħu permezz tal-iffrankar ta' CO2 li jiġi mill-użu tat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jirreferi għal din id-Deċiżjoni fl-applikazzjoni tiegħu għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE għall-vetturi kkonċernati, skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-alternatur effiċjenti Mitsubishi Electric Corporation GXi li għandu effiċjenza akbar billi jnaqqas tliet tipi differenti ta' telf u li huwa maħsub għall-użu f'vetturi M1 huwa approvat bħala teknoloġija innovattiva skont it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

2.   It-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 bl-użu tal-alternatur imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun iddeterminat bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni Nru 2013/341/UE.

3.   Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 iddeterminat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jista' jiġi ċċertifikat u jiddaħħal fiċ-ċertifikat ta' konformità u d-dokumentazzjoni rilevanti tal-approvazzjoni tat-tip speċifikati fl-Annessi I, VIII u IX tad-Direttiva 2007/46/KE biss meta t-tnaqqis ikun daqs jew aktar mil-livell limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011.

4.   Il-kodiċi individwali tal-ekoinnovazzjoni li għandu jiddaħħal fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip li għandha tintuża għat-teknoloġija innovattiva approvata permezz ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun “12”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta' Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 194, 26.7.2011, p. 19).

(3)  http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/guidelines_en.pdf.

(4)  ISO 8854. Road vehicles — Alternators with regulators — Test methods and general requirements. Numru ta' referenza ISO 8854:2012(E).

(5)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/341/UE tas-27 ta' Ġunju 2013 dwar l-approvazzjoni tal-Alternatur ta' Ġenerazzjoni Effiċjenti Valeo bħala teknoloġija innovattiva għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 29.6.2013, p. 98)

(6)  Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/14


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/296

tal-24 ta' Frar 2015

li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika hija essenzjali ħalli jitrawwem livell għoli ta' fiduċja u sigurtà adatta għall-grad ta' riskju fi skemi bħal dawn.

(2)

L-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jeħtieġ lill-Istat Membru li jkun għamel in-notifika jipprovdi lil Stati Membri oħra, deskrizzjoni ta' dik l-iskema sitt xhur minn qabel, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkooperaw bil-mod deskritt fl-Artikolu 12(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(3)

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri teħtieġ proċeduri simplifikati. L-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika ma jistgħux jinħolqu minn proċeduri mwettqa b'lingwi differenti. L-użu tal-lingwa Ingliża matul il-kooperazzjoni għandu jiffaċilita l-kisba tal-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika, minkejja li t-traduzzjoni ta' dokumenti diġà eżistenti ma għandhiex toħloq piż sproporzjonat.

(4)

Diversi elementi tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika huma ġestiti minn awtoritajiet jew korpi differenti fl-Istati Membri. Sabiex ikun hemm kooperazzjoni effettiva u jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi, huwa xieraq li jiġi żgurat li kull Stat Membru jkollu punt uniku li permezz tiegħu l-awtoritajiet u l-korpi rilevanti jkunu jistgħu jintlaħqu.

(5)

L-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prattika tajba bejn l-Istati Membri jiffaċilita l-iżvilupp ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika u jservi ta' għodda biex tintlaħaq l-interoperabbiltà teknika. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni bħal din hija ġustifikata b'mod speċifiku meta tkun tikkonċerna aġġustamenti ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika li jkunu diġà ġew innotifikati, bidliet għal skemi ta' identifikazzjoni elettronika li fihom l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lill-Istati Membri qabel in-notifika, u meta jseħħu żviluppi importanti jew inċidenti li jafu jaffettwaw l-interoperabbiltà jew is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika. L-Istati Membri għandhom ukoll ikollhom il-mezzi biex jitolbu din it-tip ta' informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika minn Stati Membri oħra.

(6)

Evalwazzjoni bejn il-pari tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika għandha titqies bħala proċess ta' tagħlim reċiproku li jgħin biex tinbena fiduċja bejn l-Istati Membri, u jiżgura l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati. Dan jeħtieġ n-notifikazzjoni lill-Istati Membri biex jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar l-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika tagħhom. Il-ħtieġa għall-Istati Membri li ċerta informazzjoni tinżamm kunfidenzjali, meta din hija ta' importanza kbira għas-sigurtà, għandha madankollu tiġi kkunsidrata wkoll.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari jkun kosteffettiv u jipproduċi riżultati ċari u konklużivi, u sabiex jiġi evitat li jitqiegħed piż bla bżonn fuq l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom iwettqu evalwazzjoni bejn il-pari unika kollettivament.

(8)

L-Istati Membri għandhom iqisu l-valutazzjonijiet indipendenti ta' parti terza, jekk dawn ikunu disponibbli, meta jikkooperaw fuq kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' skemi ta' identifikazzjoni elettronika, inkluż fit-twettiq ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari.

(9)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-arranġament proċedurali biex jintlaħqu l-għanijiet tal- Artikolu 12(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, għandu jinħoloq in-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Dan għandu jiżgura l-eżistenza ta' forum li jista' jinkludi lill-Istati Membri kollha u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom f'manjiera formalizzata biex jikkooperaw viżavì l-prattikalitajiet taż-żamma tal-qafas ta' interoperabbiltà.

(10)

In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jeżamina abbozz ta' formoli ta' notifikazzjoni pprovduti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u joħroġ opinjonijiet li jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-konformità tal-iskemi deskritti fih mar-rekwiżiti tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u (2) u l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament u l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3) ta' dak ir-Regolament. L-Artikolu 9(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jirrikjedi lill-Istati Membri notifikanti biex jiddeskrivu kif l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tissodisfa r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. B'mod partikolari, l-opinjonijiet tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati mill-Istati Membri meta jkunu qed iħejju biex iwettqu l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 9(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 biex jiddeskrivu lill-Kummissjoni kif skema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tissodisfa r-rekwiżiti tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

(11)

Il-partijiet kollha involuti f'notifika għandhom jieħdu nota tal-opinjoni tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni bħala gwida għall-kooperazzjoni sħiħa, in-notifika u l-proċessi tal-interoperabbiltà.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari mwettqa skont din id-Deċiżjoni, huwa xieraq li n-Netwerk ta' Kooperazzjoni jipprovdi gwida lill-Istati Membri.

(13)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan

Skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi arranġamenti proċedurali biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, kif huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri jkunu biħsiebhom jinnotifikaw jew ikunu diġà nnotifikaw lill-Kummissjoni. L-arranġamenti huma konnessi b'mod partikolari ma':

(a)

l-iskambju ta' informazzjoni, esperjenza u prassi tajba dwar skemi ta' identifikazzjoni elettronika u eżami tal-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fil-Kapitolu II;

(b)

evalwazzjoni bejn il-pari tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika kif stabbilit fil-Kapitolu III; kif ukoll

(c)

il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk ta' Kooperazzjoni kif stabbilit fil-Kapitolu IV.

Artikolu 2

Il-lingwa ta' kooperazzjoni

1.   Sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor bejn l-Istati Membri kkonċernati, il-lingwa ta' kooperazzjoni għandha tkun l-Ingliż.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati li jittraduċu d-dokumenti ta' sostenn imsemmija fl-Artikolu 10(2) fejn dan joħloq piż sproporzjonat.

Artikolu 3

Punti ta' kuntatt uniku

1.   Għall-finijiet ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri skont l-Artikolu 12(5) u (6) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt uniku.

2.   Kull Stat Membru għandu jikkomunika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-punt ta' kuntatt uniku. Il-Kummissjoni għandha tippubblika elettronikament lista tal-punti ta' kuntatt uniċi.

KAPITOLU II

L-ISKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI, L-ESPERJENZA U L-PRASSI T-TAJBA

Artikolu 4

L-iskambju tal-informazzjoni, l-esperjenza u l-prassi t-tajba

1.   L-Istati Membri għandhom jaqsmu informazzjoni, esperjenza u prassi tajba dwar skemi ta' identifikazzjoni elettronika ma' Stati Membri oħra.

2.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan meta huwa jintroduċi kwalunkwe bidla, żviluppi jew aġġustament li ġejjin li huma relatati mal-interoperabbiltà u l-livelli ta' assigurazzjoni tal-iskema:

(a)

żviluppi jew aġġustamenti għal skema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu li tkun diġà ġiet innotifikata, fejn ma jkunx hemm bżonn ta' notifika skont l- Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(b)

bidliet, żviluppi jew aġġustamenti tad-deskrizzjoni tal-iskema ta' identifikazzjoni elettronika pprovduta skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, meta dawn ikunu seħħew qabel in-notifika.

3.   Meta Stat Membru jsir konxju ta' kwalunkwe żvilupp importanti jew inċident li mhux relatat ma' skema ta' identifikazzjoni elettronika notifikata tiegħu iżda li jista' jaffettwa s-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati l-oħra, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Talba għal informazzjoni dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà

1.   Meta Stat Membru jikkunsidra li sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn l-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika jeħtieġ li jkollu aktar informazzjoni li ma tkunx diġà pprovduta mill-Istat Membru li jinnotifika skema ta' identifikazzjoni elettronika, huwa jista' jitlob tali informazzjoni mingħand dan tal-aħħar. L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi tali informazzjoni, sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

2.   Sabiex itejjeb is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika, Stat Membru li jkollu tħassib dwar is-sigurtà li jaffettwa skema li ġiet notifikata jew li tinsab fil-proċess li tiġi notifikata, jista' jitlob informazzjoni fuq it-tħassib dwar is-sigurtà. L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu mbagħad jipprovdi lill-Istati Membri kollha bl-informazzjoni relevanti meħtieġa biex jiġi stabbilit jekk ikunx seħħ ksur tas-sigurtà kif msemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jew biex jiġi stabbilit jekk hemmx riskju reali li tali ksur seta' seħħ, sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

Artikolu 6

Skambju ta' informazzjoni permezz ta' punti ta' kuntatt uniċi

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni skont l-Artikoli 4 u 5 permezz tal-punti ta' kuntatt uniċi u għandhom jipprovdi l-informazzjoni rilevanti mitluba mingħajr dewmien żejjed.

KAPITOLU III

EVALWAZZJONI BEJN IL-PARI

Artikolu 7

Prinċipji

1.   L-evalwazzjoni bejn il-pari hija mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri mfassla biex jiżguraw l-interoperabbiltà u s-sigurtà ta' skemi ta' identifikazzjoni elettronika notifikati.

2.   Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri pari għandha tkun volontarja. L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun se tiġi evalwata mill-pari ma jistax jirrifjuta l-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru pari fil-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari.

3.   Kull Stat Membru involut fil-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandu jħallas l-ispejjeż li jġarrab minħabba l-parteċipazzjoni f'dan il-proċess.

4.   Kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz ta' proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari għandha tintuża biss għal dan l-iskop. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali jew sensittiva miksuba matul l-evalwazzjoni bejn il-pari lil partijiet terzi.

5.   Stat Membru pari għandu jiżvela kull kunflitt ta' interess li jaf ikollhom ir-rappreżentanti nominati minnu biex jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari.

Artikolu 8

L-inizjazzjoni tal-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari

1.   Il-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari jista' jinbeda f'wieħed minn żewġ modi:

(a)

Stat Membru jitlob li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tiġi evalwata mill-pari.

(b)

Stat Membru jew Stati Membri jesprimu x-xewqa għal evalwazzjoni bejn il-pari ta' skema ta' identifikazzjoni elettronika ta' Stat Membru ieħor. Fit-talba tagħhom, huma għandhom jindikaw ir-raġunijiet li għalihom ikunu jixtiequ jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari u għandhom jispjegaw kif l-evalwazzjoni bejn il-pari se tikkontribwixxi għall-interoperabbiltà jew is-sigurtà tal-iskemi ta' identifikazzjoni elettronika tal-Istati Membri.

2.   Talba skont il-paragrafu 1 għandha tiġi mħabbra lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni skont il-paragrafu 3. Kwalunkwe Stat Membru li għandu l-intenzjoni li jieħu parti f'evalwazzjoni bejn il-pari għandu jinforma lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni fi żmien xahar.

3.   L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu ssirilha evalwazzjoni bejn il-pari għandu jipprovdi lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni bl-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika li tkun se ssirilha l-evalwazzjoni bejn il-pari;

(b)

l-Istat(i) Membru(i) pari;

(c)

l-iskeda ta' żmien biex ir-riżultat ikun mistenni li jitressaq quddiem in-Netwerk ta' Kooperazzjoni; kif ukoll

(d)

l-arranġamenti dwar kif għandhom jitwettqu r-reviżjoni bejn il-pari skont l- Artikolu 9(2).

4.   Skema ta' identifikazzjoni elettronika ma għandhiex tkun soġġetta għal aktar evalwazzjonijiet bejn il-pari fi żmien sentejn minn meta tkun ġiet konkluża evalwazzjoni bejn il-pari, sakemm dan ma jkunx miftiehem min-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 9

Preparazzjoni għall-evalwazzjoni bejn il-pari

1.   L-Istati Membri pari għandhom jipprovdu lill-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata bejn il-pari l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tar-rappreżentanti tagħhom li jkunu se jwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari fi żmien ġimagħtejn (2) wara li l-Istati Membri jkunu għarrfu l-intenzjoni tagħhom li jieħdu sehem fl-evalwazzjoni skont l-Artikolu 8(2). L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata mill-pari jista' jirrifjuta l-parteċipazzjoni ta' kwalunkwe rappreżentant f'każ ta' konflitt ta' interess.

2.   B'qies tal-gwida mogħtija min-Netwerk ta' Kooperazzjoni, l-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata u l-Istati Membri pari għandhom jaqblu dwar:

(a)

il-kamp ta' applikazzjoni u l-arranġamenti tal-evalwazzjoni bejn il-pari abbażi tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 7(g) jew l-Artikolu 9(1) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014 u l-interess espress mill-Istati Membri pari fil-fażi tal-bidu;

(b)

iż-żmien tal-attivitajiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari billi tiġi determinata skadenza ta' żmien li ma tistax taqbeż it-tliet (3) xhur wara li l-Istati Membri pari jkunu pprovdew l-ismijiet u d-dettalji ta' kuntatt tar-rappreżentanti tagħhom skont il-paragrafu 1;

(c)

arranġamenti organizzattivi oħra li jirrigwardaw il-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari.

L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed issirilha evalwazzjoni bejn il-pari għandu jinforma lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni b'dak li jkun intlaħaq qbil dwaru.

Artikolu 10

Evalwazzjoni tal-pari

1.   L-Istati Membri involuti għandhom iwettqu l-evalwazzjoni bejn il-pari b'mod konġunt. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri għandhom jagħżlu rappreżentant wieħed minn fosthom biex jikkoordina l-evalwazzjoni bejn il-pari.

2.   L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun qed tiġi evalwata bejn il-pari għandu jipprovdi lill-Istati Membri pari l-formola ta' notifika ppreżentata lill-Kummissjoni jew deskrizzjoni tal-iskema skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 jekk l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika rispettiva tkun għadha ma ġietx innotifikata. Għandhom jingħataw ukoll id-dokumenti kollha ta' sostenn u kull informazzjoni rilevanti addizzjonali.

3.   L-evalwazzjoni bejn il-pari tista' tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, wieħed jew aktar mill-arranġamenti li ġejjin:

(a)

valutazzjoni tad-dokumentazzjoni rilevanti;

(b)

eżami tal-proċessi;

(c)

seminars tekniċi; kif ukoll

(d)

konsiderazzjoni ta' valutazzjoni indipendenti minn parti terza.

4.   L-Istati Membri pari jistgħu jeħtieġu aktar dokumentazzjoni marbuta man-notifika. L-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu hija suġġetta għall-evalwazzjoni bejn il-pari għandu jipprovdu din l-informazzjoni sakemm:

(a)

ma jkunx fil-pussess ta' din l-informazzjoni u biex jiksibha jikkawżalu piż amministrattiv sproporzjonat;

(b)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigurtà pubblika jew sigurtà nazzjonali;

(c)

din l-informazzjoni tikkonċerna kwistjonijiet ta' sigrieti kummerċjali, professjonali jew tal-kumpaniji.

Artikolu 11

Ir-riżultat tal-evalwazzjoni bejn il-pari

L-Istati Membri pari għandhom jippreparaw u jippreżentaw fi żmien xahar mit-tmiem tal-proċess tal-evalwazzjoni bejn il-pari rapport għan-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Il-Membri tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jistgħu jitolbu aktar tagħrif jew kjarifika ulterjuri mingħand l-Istat Membru li l-iskema ta' identifikazzjoni elettronika tiegħu tkun ġiet evalwata bejn il-pari jew mingħand l-Istati Membri pari.

KAPITOLU IV

IN-NETWERK TA' KOOPERAZZJONI

Artikolu 12

Stabbiliment u metodi ta' ħidma

B'dan huwa stabbilit netwerk għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni skont l-Artikolu 12(5) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 (“in-Netwerk ta' Kooperazzjoni”). In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jwettaq ħidmietu permezz ta' taħlita ta' laqgħat u ta' proċedura bil-miktub.

Artikolu 13

Abbozz tal-formola tan-notifika

Meta l-Istat Membru notifikanti jipprovdi d-deskrizzjoni tiegħu dwar skema ta' identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, hu għandu jipprovdi lin-Netwerk ta' Kooperazzjoni abbozz tal-formola tan-notifika mimlija korrettament u kull dokumentazzjoni ta' akkumpanjament meħtieġa kif speċifikat fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u fl-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014.

Artikolu 14

Kompiti

In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jkollu l-mandat biex:

(a)

jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tal-qafas ta' interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(5) sa (6) tar- Regolament (UE) Nru 910/2014, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni;

(b)

jistabbilixxi metodi għal skambju effiċjenti ta' informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw l-identifikazzjoni elettronika;

(c)

jistħarreġ l-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika u jiddiskuti u jiżviluppa prattiki tajba dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà għal skemi ta' identifikazzjoni elettronika;

(d)

jadotta opinjonijiet dwar żviluppi konnessi mal-qafas ta' interoperabbiltà msemmi fl-Artikolu 12(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014;

(e)

jadotta opinjonijiet dwar żviluppi li jikkonċernaw speċifikazzjonijiet tekniċi, standards u proċeduri minimi rigward il-livelli ta' assigurazzjoni stabbiliti fl-att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, u l-gwida li takkumpanja lil dak l-att ta' implimentazzjoni;

(f)

jadotta gwida dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-arranġamenti tagħha;

(g)

jeżamina r-riżultat tal-evalwazzjonijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 11;

(h)

jeżamina l-abbozz tal-formola tan-notifika mimlija;

(i)

jadotta opinjonijiet dwar kif skema ta' identifikazzjoni elettronika li tiġi nnotifikata, li d-deskrizzjoni tagħha ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 7(g) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) sa (2) u l-Artikolu 12(1) ta' dak ir-Regolament u l-att ta' implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 15

Sħubija

1.   L-Istati Membri u l-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea għandhom ikunu l-membri tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

2.   Ir-rappreżentanti ta' pajjiżi aderenti għandhom jiġu mistiedna mill-President biex jattendu l-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni bħala osservaturi mid-data tal-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni.

3.   Il-President jista' jistieden esperti minn barra n-Netwerk ta' Kooperazzjoni b'kompetenza speċifika f'suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jew ta' sottogrupp fuq bażi ad hoc, wara li jiġi kkonsultat in-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-President jista' jagħti status ta' osservatur lil individwi u organizzazzjonijiet wara li jiġi kkonsultat in-Netwerk ta' Kooperazzjoni.

Artikolu 16

Operat

1.   Il-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandhom ikunu ppreseduti mill-Kummissjoni.

2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni jista' jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza ddefiniti min-Netwerk ta' Kooperazzjoni. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

3.   Il-membri tan-Netwerk ta' Kooperazjoni kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti mit-Trattati u r-regoli tal-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà relatata mal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE, stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (2) Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżuri xierqa kollha.

4.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jżomm il-laqgħat tiegħu fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali.

5.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jippubblika l-opinjonijiet adottati skont l-Artikolu 14(i) f'websajt apposta. Meta tali opinjoni jkun fiha informazzjoni kunfidenzjali, in-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jadotta verżjoni mhux kunfidenzjali ta' din l-opinjoni għall-finijiet ta' tali pubblikazzjoni.

6.   In-Netwerk ta' Kooperazzjoni għandu jadotta, b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

Artikolu 17

L-ispejjeż tal-laqgħat

1.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tirremunera lil dawk involuti fl-attivitajiet tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għas-servizzi tagħhom.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba mill-parteċipanti fil-laqgħat tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni jistgħu jiġu rimburżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f'konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Frar 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/21


DEĊIŻJONI (UE) 2015/297 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta' Diċembru 2014

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/23 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2014/56)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 32.2 u l-Artikolu 32.7 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/23 (1) tistabbilixxi mekkaniżmu għall-aggregazzjoni u l-allokazzjoni ta' dħul monetarju ġej minn operazzjonijiet ta' politika monetarja.

(2)

Fid-dawl tad-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (2) u d-Deċiżjoni BĊE/2014/45, (3) l-assi assenjabbli għandhom jiġu aġġustati biex jitqies l-ammont ta' qligħ u telf magħmul li jirriżulta minn kwalunkwe trasferiment ta' titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja, għall-perijodu mit-trasferiment sat-tmiem tat-trimestru li jmiss.

(3)

Fid-dawl tal-fatt li l-imgħax li jakkumula fuq operazzjonijiet ta' politika monetarja li l-maturità tagħhom hija sena jew itwal jiġi aggregat qabel ma jinġabar fit-tmiem tal-operazzjoni, għandu jsir aġġustament għall-kalkolu tal-bażi tal-obbligazzjonijiet u l-assi assenjabbli bis-saħħa tal-Annessi I u II tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23.

(4)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/23 għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens,

AdoTtA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emenda

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 qed jinbidlu bit-test stabbilit fl-Anness I u II ta' din id-Deċiżjoni rispettivament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 17)

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).


ANNESS I

“ANNESS I

KOMPOŻIZZJONI TAL-BAŻI TAL-PASSIV

A.

Il-bażi tal-passiv tinkludi, bl-esklużjoni ta' kull element ieħor:

1.

Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, fis-sena tal-bidla tal-flus kontanti għal kull BĊN li jingħaqad mal-Eurosistema ‘Karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni’:

(a)

jinkludu karti tal-flus maħruġin mill-BĊN u ddenominati fil-munita nazzjonali tiegħu; u

(b)

għandu jitnaqqas il-valur tas-self mhux remunerat marbut ma' karti tal-flus euro frontloaded li għadhom ma ġewx iddebitati (parti mill-element 6 tal-assi tal-HBS).

Wara s-sena relevanti tal-bidla tal-flus kontanti, għal kull BĊN ‘karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni’ tfisser karti tal-flus denominati f'euro, bl-esklużjoni ta' karti tal-flus oħrajn.

Jekk id-data tal-bidla tal-flus kontanti tkun jum li fih it-TARGET2 huwa magħluq, il-passiv ta' BĊN li jirriżulta minn karti tal-flus euro li ġew frontloaded skont il-Linja Gwida BĊE/2006/9 u li daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti jkun parti mill-bażi tal-passiv (bħala parti mill-kontijiet korrispondenti taħt l-element tal-passiv 10.4 tal-HBS) sakemm il-passiv isir parti mill-passiv intra-Eurosistema li jirriżulta minn tranżazzjonijiet TARGET2.

2.

Passiv fil-konfront ta' istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro marbut ma' operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro, jinkludu kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

kontijiet kurrenti inklużi r-rekwiżiti minimi tar-riżerva taħt l-Artikolu 19.1 tal-Istatut tas-SEBĊ (element tal-passiv 2.1 tal-HBS);

(b)

ammonti f'depożiti taħt il-faċilità ta' depożitu tal-Eurosistema (element tal-passiv 2.2 tal-HBS);

(c)

depożiti għal terminu fiss (element tal-passiv 2.3 tal-HBS);

(d)

passiv li jirriżulta minn operazzjonijiet ta' rfinar bil-maqlub (element tal-passiv 2.4 tal-HBS);

(e)

depożiti marbutin ma' sejħiet għal marġni (element tal-passiv 2.5 tal-HBS).

3.

Passiv ta' depożiti fil-konfront ta' kontropartijiet inadempjenti fl-Eurosistema u li ġew ikklassifikati mill-ġdid mill-element tal-passiv 2.1 tal-HBS.

4.

Passiv intra-Eurosistema ta' BĊNi li jirriżulta mill-ħruġ ta' ċertifikati ta' dejn tal-BĊE skont il-Kapitolu 3.3 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14 (1) (element tal-passiv 10.2 tal-HBS).

5.

Passiv nett intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni, inkluż dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni (parti mill-element tal-passiv 10.3 tal-HBS).

6.

Passiv intra-Eurosistema nett li jirriżulta minn tranżazzjonijiet TARGET2 remunerati skont ir-rata ta' referenza (parti mill-element tal-passiv 10.4 tal-HBS).

7.

Imgħax akkumulat irreġistrat fl-aħħar ta' trimestru minn kull BĊN dwar il-passiv tal-politika monetarja li l-maturità tiegħu hija ta' sena jew itwal (parti mill-element tal-passiv 12.2 tal-HBS).

B.

L-ammont tal-bażi tal-passiv ta' kull BĊN huwa kkalkolat skont il-prinċipji u r-regoli armonizzati tal-kontabbiltà stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2010/20.



ANNESS II

“ANNESS II

ASSI ASSENJABBLI

A.

L-assi assenjabbli jinkludu, bl-esklużjoni ta' kull element ieħor:

1.

Self lil istituzzjonijiet ta' kreditu fiż-żona tal-euro marbut ma' operazzjonijiet tal-politika monetarja denominati f'euro (element tal-assi 5 tal-HBS).

2.

Titoli miżmumin għal finijiet ta' politika monetarja (parti mill-element tal-assi 7.1 tal-HBS).

3.

Talbiet intra-Eurosistema ekwivalenti għat-trasferiment ta' assi ta' riżervi barranin li mhumiex deheb lill-BĊE taħt l-Artikolu 30 tal-Istatut tas-SEBĊ (parti mill-element tal-assi 9.2 tal-HBS).

4.

Talbiet intra-Eurosistema netti fuq karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni inklużi dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni (parti mill-element tal-assi 9.4 tal-HBS).

5.

Talbiet intra-Eurosistema netti li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet TARGET2 remunerati skont ir-rata ta' referenza (parti mill-element tal-assi 9.5 tal-HBS).

6.

Deheb, inklużi talbiet fil-konfront ta' deheb ittrasferit lill-BĊE, f'ammont li jippermetti lil kull BĊN jassenja proporzjon tad-deheb tiegħu li jikkorrispondi mal-applikazzjoni ta' sehmu fl-iskema tal-kapital sottoskritt lill-ammont totali ta' deheb assenjabbli mill-BĊNi kollha (element tal-assi 1 u parti mill-element tal-assi 9.2 tal-HBS).

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-deheb huwa vvalutat abbażi tal-prezz tad-deheb f'euro għal kull uqija fina fil-31 ta' Diċembru 2002.

7.

Talbiet li jirriżultaw minn karti tal-flus euro li ġew frontloaded skont il-Linja Gwida BĊE/2006/9 u li mbagħad daħlu fiċ-ċirkolazzjoni qabel id-data tal-bidla tal-flus kontanti (parti mill-element tal-assi 4.1 tal-HBS sad-data tal-bidla tal-flus kontanti u wara parti mill-kontijiet korrispondenti taħt l-element tal-assi 9.5 tal-HBS), iżda biss sakemm dawk it-talbiet isiru parti mill-klejms intra-Eurosistema li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet TARGET2.

8.

Talbiet pendenti li jirriżultaw minn inadempjenza ta' kontropartijiet tal-Eurosistema fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, u/jew assi jew passiv finanzjarju (fil-konfront ta' terzi) approprjati u/jew miksuba fil-kuntest ta' operazzjonijiet tar-realizzazzjoni tal-garanzija ppreżentata minn kontropartijiet inadempjenti tal-Eurosistema fil-kuntest ta' operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema kklassifikati mill-ġdid mill-element tal-assi 5 tal-HBS (parti mill-element tal-attiv 11.6 tal-HBS).

9.

Imgħax akkumulat irreġistrat fl-aħħar ta' trimestru minn kull BĊN dwar l-assi tal-politika monetarja li l-maturità tagħhom hija ta' sena jew itwal (parti mill-element tal-passiv 11.5 tal-HBS).

B.

Il-valur tal-assi assenjabbli ta' kull BĊN huwa kkalkolat skont il-prinċipji u r-regoli armonizzati tal-kontabilità stabbiliti fil-Linja Gwida BĊE/2010/20.”


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/24


DEĊIŻJONI (UE) 2015/298 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-15 ta' Diċembru 2014

dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/57)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 (1) tistabbilixxi kif il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iqassam lill-BĊNi: (a) id-dħul tiegħu minn karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni akkumulat kull sena; u (b) id-dħul tiegħu minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (SMP) li jkun qala' f'kull sena finanzjarja.

(2)

Jeħtieġ li d-Deċiżjoni BĊE/2010/24 tiġi emendata sabiex tieħu inkunsiderazzjoni d-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn bonds koperti u bonds iggarantiti b'assi mwettaq skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/40 (2) u d-Deċiżjoni BĊE/2014/45 (3). Għaldaqstant, din għandha tiġi fformulata mill-ġdid għall-finijiet ta' ċarezza.

(3)

Id-Deċiżjoni BĊE/2010/29 (4) tistabbilixxi l-allokazzjoni ta' karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni lill-BĊNi skont il-proporzjon tal-ishma li għandhom imħallsin fil-kapital tal-BĊE. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29 u l-Anness ta' dik id-Deċiżjoni jallokaw lill-BĊE 8 % tal-valur totali ta' karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni. Il-BĊE għandu klejms intra-Eurosistema fuq BĊNi b'mod proporzjonat mal-ishma tagħhom fl-iskema tal-kapital sottoskritt, għal valur ekwivalenti għall-valur tal-karti tal-flus tal-euro li joħroġ.

(4)

Taħt l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 (5), il-bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni jitħallsu bir-rata ta' referenza. Taħt l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23, dan il-ħlas jiġi saldat b'pagamenti permezz ta' TARGET2.

(5)

Il-premessa 7 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23 tiddikjara li d-dħul li jakkumula lill-BĊE mir-remunerazzjoni tal-pretensjonijiet intra-Eurosistema tagħha kontra BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta' karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni għandu fil-prinċipju jitqassam lill-BĊNi, bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta' kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut, b'mod konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv.

(6)

Bl-istess mod id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, it-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (iktar 'il quddiem “CBPP3”) u l-programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti b'assi (ABSPP) għandu fil-prinċipju jiġi ddistribwit lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma tagħhom fl-iskema ta' kapital sottoskritt fl-istess sena finanzjarja meta jsir dovut.

(7)

Meta jiddistribwixxi d-dħul tal-BĊE mill-karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, is-CBPP3 u l-ABSPP, il-BĊE għandu jieħu f'kunsiderazzjoni stima tar-riżultat finanzjarju tiegħu għas-sena li tagħmel konċessjoni dovuta għall-ħtieġa li jiġu allokati fondi għal provvediment għar-rata tal-kambju barrani, rata ta' imgħax, kreditu u riskji fil-prezz tad-deheb, u għad-disponibbiltà ta' provvedimenti li jistgħu jiġu rilaxxati bi tpaċija għal spejjeż antiċipati.

(8)

Meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-profitt nett tal-BĊE li għandu jiġi ttrasferit lill-fond ta' riżerva ġenerali skont l-Artikolu 33.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Kunsill Governattiv għandu jikkunsidra li kwalunkwe parti ta' dak il-profitt li tikkorrispondi għal dħul fuq karti tal-flus fiċ-ċirkolazzjoni u dħul li jirriżulta minn titoli mixtrija taħt l-SMP, is-CBPP3 u l-ABSPP għandhom jitqassmu lill-BĊNi bis-sħiħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“BĊN” tfisser il-bank ċentrali nazzjonali ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b)

“bilanċi intra-Eurosistema fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni” tfisser il-klejms u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw bejn BĊN u l-BĊE u bejn BĊN u l-BĊNi l-oħrajn bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/29;

(c)

“Dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni” tfisser id-dħul li jsir dovut lill-BĊE fuq ir-remunerazzjoni tal-klejms tiegħu intra-Eurosistema kontra l-BĊNi relatati mas-sehem tiegħu ta' karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/23;

(d)

“Id-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli” tfisser id-dħul nett li jirriżulta minn xiri mill-BĊE ta' (i) titoli taħt l-SMP skont id-Deċiżjoni BĊE/2010/5 (6), (ii) bonds koperti taħt is-CBPP3 skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/40, u (iii) titoli ggarantiti b'assi taħt l-ABSPP skont id-Deċiżjoni BĊE/2014/45.

Artikolu 2

Distribuzzjoni interim tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli

1.   Id-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tal-BĊE li jirriżulta minn titoli għandhom ikunu dovuti b'mod sħiħ lill-BĊNi fl-istess sena finanzjarja meta jsiru dovuti u għandhom jitqassmu lill-BĊNi bi proporzjon mal-ishma mħallsa tagħhom fil-kapital sottoskritt tal-BĊE.

2.   Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Governattiv, il-BĊE għandu jiddistribwixxi d-dħul tiegħu minn karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni u d-dħul tiegħu li jirriżulta minn titoli li jkun qala' f'kull sena finanzjarja fl-aħħar jum ta' xogħol f'Jannar tas-sena ta' wara.

3.   L-ammont tad-dħul tal-BĊE fuq karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni jista' jitnaqqas b'mod konformi ma' kull deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fuq il-bażi tal-Istatut tas-SEBĊ fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba mill-BĊE b'rabta mal-ħruġ u l-ipproċessar ta' karti tal-flus tal-euro.

Artikolu 3

Deroga mill-Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 2, il-Kunsill Governattiv għandu jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja jekk id-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jissemma f'dak l-Artikolu għandux jinżamm sal-punt meħtieġ biex jiġi żgurat li l-ammont ta' dħul imqassam ma jaqbiżx il-profitt nett tal-BĊE għal dik is-sena. Kull deċiżjoni ta' dan it-tip għandha tittieħed meta, fuq il-bażi ta' stima mmotivata mħejjija mill-Bord Eżekuttiv, il-Kunsill Governattiv ikun jistenna li l-BĊE ser ikollu telf ġenerali annwali jew ser jagħmel profitt nett annwali li jkun inqas mill-ammont stmat tad-dħul tiegħu msemmi fl-Artikolu 2. Il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi qabel it-tmiem tas-sena finanzjarja li jittrasferixxi d-dħul kollu tal-BĊE, jew parti minnu, li jissemma f'dak l-Artikolu lejn provvediment għal rata tal-kambju, rata tal-imgħax, kreditu u riskji tal-prezz tad-deheb.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u revoka

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2014.

2.   Id-Deċiżjoni BĊE/2010/24 hija mħassra b'effett mill-31 ta' Diċembru 2014.

3.   Ir-referenzi għal Deċiżjoni BĊE/2010/24 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-15 ta' Diċembru 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Deċiżjoni BĊE/2010/24 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-distribuzzjoni interim tad-dħul tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni u li tirriżulta minn titoli mixtrija taħt il-programm tas-swieq tat-titoli (ĠU L 6, 11.1.2011, p. 35).

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/40 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-implimentazzjoni tat-tielet programm ta' xiri ta' bonds iggarantiti (ĠU L 335, 22.11.2014, p. 22).

(3)  Deċiżjoni (UE) 2015/5 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' xiri ta' titoli ggarantiti minn assi (BĊE/2014/45) (ĠU L 1, 6.1.2015, p. 4).

(4)  Deċiżjoni BĊE/2010/29 tat-13 ta' Diċembru 2010 dwar il-ħruġ ta' karti tal-flus tal-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 26).

(5)  Deċiżjoni BĊE/2010/23 tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta' Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (ĠU L 35, 9.2.2011, p. 17).

(6)  Deċiżjoni BĊE/2010/5 tal-14 ta' Mejju 2010 li tistabbilixxi programm għas-swieq tat-titoli (ĠU L 124, 20.5.2010, p. 8).


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/27


DEĊIŻJONI (UE) 2015/299 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Frar 2015

li temenda d-Deċiżjoni BĊE/2014/34 dwar miżuri relatati ma' operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (BĊE/2015/5)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18.1 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1),

Billi:

(1)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta' operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema.

(2)

Fit-22 ta' Jannar 2015, sabiex jappoġġa l-effettività tal-operazzjonijiet immirati ta' rifinanzjament fuq żmien itwal (TLTROs), il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jelimina l-10 punti ta' bażi mifruxa fuq ir-rata għal operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin (MROs) għat-TLTROs li għandhom isiru bejn Marzu 2015 u Ġunju 2016. L-eliminazzjoni tal-firxa tirrifletti t-tnaqqis fil-premia b'terminu ta' strumenti ta' finanzjament ibbażati fuq is-suq għal istituzzjonijiet sa mit-tħabbir tat-TLTROs fil-5 ta' Ġunju 2014. Id-deċiżjoni ma taffettwax ir-rata tal-imgħax applikata għall-ewwel TLTROs imwettqa f'Settembru u Diċembru 2014. Ir-rata tal-imgħax għalhekk tibqa' l-istess, jiġifieri tiġi ffissata tul il-ħajja ta' kull operazzjoni bir-rata għall-MROs prevalenti fi żmien it-tħabbira tas-sejħa għall-offerti fir-rigward tat-TLTRO relevanti, flimkien ma' firxa fissa ta' 10 punti bażi.

(3)

Barra minn hekk, ċerti korrezzjonijiet minuri huma meħtieġa għad-Deċiżjoni BĊE/2014/34 (2).

(4)

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni BĊE/2014/34 għandha tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċizjoni BĊE/2014/34 hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 5 huwa mibdul b'dan li ġej:

“Artikolu 5

Imgħax

Fir-rigward tat-TLTROs imwettqa f'Settembru 2014 u Diċembru 2014, ir-rata tal-imgħax applikabbli għandha tiġi stabbilita tul il-ħajja ta' kull operazzjoni bir-rata għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin prevalenti fi żmien it-tħabbira tas-sejħiet għall-offerti fir-rigward tat-TLTRO relevanti, flimkien ma' firxa fissa ta' 10 punti bażi. Fir-rigward tat-TLTROs imwettqa bejn Marzu 2015 u Ġunju 2016, ir-rata tal-imgħax applikabbli għandha tiġi stabbilita tul il-ħajja ta' kull operazzjoni bir-rata għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin prevalenti fi żmien it-tħabbira tas-sejħiet għall-offerti fir-rigward tat-TLTRO relevanti.

L-imgħax għandu jkun pagabbli bl-arretrati malli timmatura l-operazzjoni, jew meta jsir il-ħlas lura bikri kif stipulat fl-Artikoli 6 u 7, skont kif ikun applikabbli.”

;

2.

fl-Anness I, fil-paragrafu 1 (Kalkolu ta' limiti ta' self), it-tieni tabella hija mibdula b'dan li ġej:

“k

Xahar tat-TLTRO

2016 Xahar ta' referenza tal-allokazzjoni

CNLk

3

Mar. 2015

Jan. 2015

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLJannar 2015

4

Ġunju 2015

Apr. 2015

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLApril 2015

5

Sett. 2015

Lulju 2015

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLLulju 2015

6

Diċ. 2015

Ott. 2015

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLOttubru 2015

7

Mar. 2016

Jan. 2016

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLJannar 2016

8

Ġunju 2016

Apr. 2016

NLMejju 2014 + NLGunju 2014 + … + NLApril 2016

3.

fl-Anness I, fil-paragrafu 2 (Kalkolu ta' ħlasijiet lura bikrin obbligatorji), il-formola għall-“Ħlas lura bikri obbligatorju f'Settembru 2016 ta' parteċipant” hija ssostitwita b'dan li ġej:

Formula, ifFormula

4.

fl-Anness I, it-tielet nota ta' qiegħ il-paġna hija ssostitwita b'dan li ġej:

“Għat-TLTRO li għandhom isiru f'Marzu 2015 (k = 3), il-limitu huwa C 3max{0, AA 3}”

;

5.

fl-Anness II, ir-raba' nota ta' qiegħ il-paġna hija ssostitwita b'dan li ġej:

“Il-klassifikazzjoni tas-settur ta' korporazzjonijiet azzjonarji ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji fir-Regolament (KE) Nru 25/2009 (BĊE/2008/32) ġiet emendata fir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 (BĊE/2013/33) sabiex tirrifletti bidliet fl-istandards internazzjonali tal-istatistika. Taħt ir-Regolament (UE) Nru BĊE/1071/2013, il-korporazzjonijiet azzjonarji ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji huma kklassifikati mill-ġdid bħala korporazzjonijiet finanzjarji. Ir-rapportar tat-TLTROs irid ikun konformi mal-qafas dwar il-BSI: b'effett minn Diċembru 2014, id-dejta ma għandhiex tkopri korporazzjonijiet azzjonarji u l-aġġustamenti għandhom jintbagħtu kif xieraq.”

;

6.

Fl-Anness II, it-tlettax-il nota ta' qiegħ il-paġna hija ssostitwita b'dan li ġej:

“L-effetti tar-riklassifikazzjoni tal-korporazzjonijiet azzjonarji ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji bħala korporazzjonijiet finanzjarji, li seħħet f'Diċembru 2014, għandhom jiġu rreġistrati taħt il-partita 3.2C.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċizjoni tidħol fis-seħħ fl-10 ta' Frar 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  Deċiżjoni BĊE/2014/34 tad-29 ta' Lulju 2014 dwar miżuri fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati aktar fit-tul (ĠU L 258, 29.8.2014, p. 11).


25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/29


DEĊIŻJONI (UE) 2015/300 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-10 ta' Frar 2015

dwar l-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika (BĊE/2015/6)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3.1, l-Artikolu 12.1, l-Artikolu 18 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 34.1 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (1), u b'mod partikolari t-Taqsima 1.6 u t-Taqsimiet 6.3.1, 6.3.2 u 6.4.2 tal-Anness I tagħha,

Wara li kkunsidra l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) u l-Artikoli 6 u 8 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 18.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”) jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta' kreditu ma' istituzzjonijiet ta' kreditu u parteċipanti oħrajn fis-suq, bis-self ikun ibbażat fuq kollateral adegwat. Il-kriterji standard li jiddeterminaw l-eliġibbiltà tal-kollateral għall-finijiet tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema huma stipulati fl-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(2)

Skont it-Taqsima 1.6 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, il-Kunsill Governattiv jista', f'kull ħin, jibdel l-istrumenti, il-kundizzjonijiet, il-kriterji u l-proċeduri għat-twettiq ta' operazzjonijiet ta' politika monetarja tal-Eurosistema. Bis-saħħa tat-Taqsima 6.3.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, l-Eurosistema tirriżerva d-dritt li tiddetermina jekk ħruġ, emittent, debitur jew garanti jissodisfax r-rekwiżiti tagħha għal standards għoljin fuq il-bażi ta' kull informazzjoni li hija tista' tqis relevanti. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal limiti minimi ta' kwalità tal-kreditu huma speċifikati fir-regoli tal-Eurosistema dwar il-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu għal assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14.

(3)

Is-sospensjoni tar-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu applikabbli għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika, li ġew deċiżi inizjalment mill-Kunsill Governattiv fis-6 ta' Mejju 2010, kienet miżura eċċezzjonali u temporanja li kienet ibbażata fuq valutazzjoni pożittiva mill-Kunsill Governattiv tal-konformità ma' programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali. F'dak iż-żmien, il-Kunsill Governattiv kien ikkunsidra l-fatt li r-Repubblika Ellenika kienet approvat programm li l-Kunsill Governattiv qies li kien xieraq, sabiex, minn perspettiva ta' ġestjoni tar-riskju ta' kreditu, l-istrumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa mir-Repubblika Ellenika jżommu standard ta' kwalità suffiċjenti sabiex ikomplu jkunu eliġibbli bħala kollateral għall-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema, irrispettivament minn kull valutazzjoni ta' kreditu esterna. Barra minn hekk, il-Kunsill Governattiv qies l-impenn qawwi tal-Gvern Grieg biex jimplimenta bis-sħiħ dak il-programm (3).

(4)

Skont l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, il-limiti minimi tal-kwalità kreditizja tal-Eurosistema ma japplikawx għal strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mill-gvernijiet ċentrali ta' Stati Membri taż-żona tal-euro taħt programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali, ħlief jekk il-Kunsill Governattiv jiddeċiedi illi l-Istat Membru rispettiv ma għadux jikkonforma mal-kundizzjonalità tal-appoġġ finanzjarju u/jew tal-programm makroekonomiku tiegħu. Taħt l-Artikolu 1(3) tal-istess Linja Gwida, ir-Repubblika Ellenika hija, għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 ta' dik il-Linja Gwida, meqjusa bħala Stat Membru taż-żona tal-euro li jikkonforma ma' programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali.

(5)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kunsill Governattiv għamel valutazzjoni, skont liema preżentament ma huwiex possibbli li wieħed jassumi li ġiet konkluża b'suċċess ir-reviżjoni tal-programm tal-Unjoni Ewropea/tal-Fond Monetarju Internazzjonali għar-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ellenika m'għadhiex titqies li hija konformi mal-kundizzjonalità tal-programm u, bħala riżultat ta' dan, il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni temporanja tal-limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu tal-Eurosistema, kif stipulati fl-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, m'għadhomx issodisfati. Bħala konsegwenza, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li l-limiti minimi tal-kwalità tal- kreditu tal-Eurosistema għandhom japplikaw fir-rigward ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31, ir-Repubblika Ellenika ma tistax tkompli titqies li hija konformi ma' programm tal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali.

2.   Ir-rekwiżiti minimi tal-Eurosistema għal-limiti minimi tal-kwalità tal-kreditu, kif stipulati fir-regoli tal-qafas tal-valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema għal ċerti assi negozjabbli fit-Taqsima 6.3.2 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14, għandhom japplikaw f'każ ta' strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġa jew iggarantiti bis-sħiħ mir-Repubblika Ellenika.

3.   F'każ ta' diskrepanza bejn din id-Deċiżjoni, il-Linja Gwida BĊE/2011/14 u l-Linja Gwida BĊE/2014/31, kif implimentati fil-livell nazzjonali mill-BĊNi, din id-Deċiżjoni għandha tipprevali.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-11 ta' Frar 2015.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-10 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28.

(3)  Ara l-Premessa 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/3 tas-6 ta' Mejju 2010 dwar miżuri temporanji marbutin mal-eliġibbiltà ta' strumenti ta' dejn maħruġin jew iggarantiti mill-Gvern Grieg (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 102).


Rettifika

25.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/31


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 536/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar il-provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, u li jħassar id-Direttiva 2001/20/KE

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 158 tas-27 ta' Mejju 2014 )

F'paġna 19, Artikolu 8(2), l-aħħar subparagrafu:

minflok:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jaqbilx mal-konklużjoni fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu, dan għandu jikkomunika n-nuqqas ta' qbil tiegħu, flimkien ma' ġustifikazzjoni permezz tal-portal tal-UE, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri konċernati kollha u lill-isponser.”

aqra:

“Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jaqbilx mal-konklużjoni fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu, dan għandu jikkomunika n-nuqqas ta' qbil tiegħu, flimkien ma' ġustifikazzjoni dettaljata, permezz tal-portal tal-UE, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri kollha, u lill-isponser.”