ISSN 1977-074X |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Leġiżlazzjoni |
Volum 57 |
Werrej |
|
II Atti mhux leġiżlattivi |
Paġna |
|
|
REGOLAMENTI |
|
|
* |
||
|
* |
||
|
* |
||
|
* |
||
|
|
||
|
|
DEĊIŻJONIJIET |
|
|
|
2014/695/UE |
|
|
* |
|
|
Rettifika |
|
|
* |
MT |
L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat. It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom. |
II Atti mhux leġiżlattivi
REGOLAMENTI
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/1 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1046/2014
tat-28 ta' Lulju 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-kriterji għall-kalkolu ta' spejjeż addizzjonali mġarrba mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 72(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS) jista' jappoġġa l-kumpens tal-ispejjeż addizzjonali mġabbra mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat. |
(2) |
Sabiex tinżamm il-kompetittività ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni meta mqabbla ma' dik ta' prodotti simili mir-reġjuni l-oħra tal-Unjoni, l-Unjoni fl-1992 introduċiet miżuri biex tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali relatati mas-setturi tas-sajd u l-akkwakultura. Il-miżuri ta' kumpens għall-perjodu 2007-2013 ġew stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 (2). Minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika strutturali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni, aggravata bid-distanza, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija diffiċli, id-dipendenza ekonomika minn ftit prodotti u l-kundizzjonijiet klimatiċi speċjali, hemm bżonn li jitkompla l-appoġġ biex ipatti għall-ispejjeż addizzjonali tas-sajd, tat-trobbija, tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mill-1 ta' Jannar 2014. Fil-fatt, il-kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba jgħin lill-operaturi minn dawk ir-reġjuni biex jibqgħu ekonomikament vijabbli. |
(3) |
Dawn l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan ta' kumpens imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. |
(4) |
Sabiex jiġi provdut trattament armonizzat u ugwali għar-reġjuni kollha kkonċernati, permezz ta' komparabbiltà aħjar bejn ir-reġjuni u li jibqa' għaddej minn sena għal oħra, u b'mod partikolari biex jiġi evitat il-kumpens żejjed tal-ispejjeż addizzjonali, hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni. Il-kriterji komuni li jridu jintużaw se jiżguraw l-applikazzjoni ta' metodu omoġenju għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għar-reġjuni kollha kkonċernati. |
(5) |
Sabiex jiġi evitat il-kumpens żejjed, hemm bżonn li jiġu stmati b'reqqa partikolari l-ispejjeż ta' referenza għall-prodotti jew għall-kategoriji ta' prodotti mġarrba mill-operaturi fil-parti kontinentali tal-Istat Membru jew tat-territorju tal-Unjoni, li fuqhom jiġu kkalkulati l-ispejjeż addizzjonali. |
(6) |
Hemm prodotti jew kategoriji ta' prodotti li għalihom ma jeżistux kriterji ta' tqabbil jew unitajiet ta' kejl fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. F'dawn il-każijiet, ir-referenza għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandha tiġi stabbilita skont l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Unjoni għall-prodotti jew kategoriji ta' prodotti ekwivalenti. |
(7) |
Fid-dawl tal-kundizzjonijiet differenti tal-kummerċjalizzazzjoni fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, il-flutwazzjonijiet fil-qbid u l-istokkijiet u d-domanda tas-suq, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiddeterminaw il-prodotti jew il-kategoriji ta' prodotti tas-sajd u l-akkwakultura eliġibbli għall-kumpens, il-kwantitajiet massimi rispettivi tagħhom u l-livelli tal-ammonti ta' kumpens fl-allokazzjoni ġenerali għal kull Stat Membru. |
(8) |
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammonti ta' kumpens f'livell li jippermetti t-tpaċija xierqa tal-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda u li jevita l-kumpens żejjed. Għal dak il-għan, l-ammont ta' kumpens għandu jqis ukoll tipi oħra ta' interventi pubbliċi li għandhom impatt fuq l-ispejjeż addizzjonali, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. |
(9) |
Sabiex tiġi provduta preżentazzjoni armonizzata tal-ispejjeż addizzjonali, hemm bżonn li dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu espressi f'tunnellati ta' piż ħaj, kif iddefinit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009 (4) li jistabbilixxi l-fatturi ta' konverżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ħut frisk u l-ħut frisk immellaħ kif ukoll il-kodiċijiet ta' preżentazzjoni użati sabiex jikkonvertu l-piż tal-ħut maħżun jew ipproċessat f'piż tal-ħut ħaj għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-qabdiet. |
(10) |
Sabiex juru li m'hemmx kumpens żejjed, l-Istati Membri għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' kumpens fir-rapport ta' implimentazzjoni annwali, kif stabbilit fl-Artikolu 114(2) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014. |
(11) |
Sabiex il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu applikati mingħajr dewmien, peress li l-ispiża kienet diġà eliġibbli għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd mill-1 ta' Jannar 2014 f'konformità mal-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (5), dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji għall-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali mġarrba matul il-perjodu ta' eliġibbiltà, kif iddefinit fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mill-operaturi fis-sajd, it-trobbija, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat minħabba nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.
Artikolu 2
1. L-ispejjeż addizzjonali msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu kkalkulati separatament għal kull waħda mill-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
is-sajd; |
(b) |
it-trobbija; |
(c) |
l-ipproċessar; |
(d) |
il-kummerċjalizzazzjoni. |
2. F'kull attività msemmija fil-paragrafu 1, l-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati skont il-partiti tan-nefqa, kif imniżżla fil-pjanijiet ta' kumpens imsemmija fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 għal kull prodott jew kategorija ta' prodotti identifikati mill-Istat Membru bħala eliġibbli għall-kumpens.
3. L-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu kkalkulati għal kull partita tan-nefqa bħala d-differenza bejn l-ispejjeż imġarrba mill-operaturi fir-reġjuni l-aktar imbiegħda kkonċernati, li minnhom jitnaqqas kull tip ta' intervent pubbliku li jaffettwa l-livell tal-ispejjeż addizzjonali u l-ispejjeż komparabbli mġarrba mill-operaturi kontinentali tal-Istat Membru kkonċernat.
4. B'deroga mill-paragrafu 3, għall-partiti tan-nefqa speċifiċi għal prodotti jew kategoriji ta' prodotti li għalihom ma jeżistux kriterji ta' tqabbil jew unitajiet ta' kejl fil-parti kontinentali tat-territorju tal-Istat Membru, l-ispiża addizzjonali għandha tiġi kkalkulata bi tqabbil mal-ispejjeż komparabbli għall-prodotti jew kategoriji ta' prodotti ekwivalenti mġarrba mill-operaturi mill-parti kontinetali tat-territorju tal-Unjoni.
5. Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jqis kull intervent pubbliku, inkluż kull għajnuna mill-Istat innotifikata skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat u l-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.
Artikolu 3
1. Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat biss fuq l-ispejjeż li jirriżultaw min-nuqqasijiet speċifiċi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.
2. Il-kalkolu tal-ispejjeż addizzjonali għandu jkun ibbażat fuq medja annwali ta' prezzijiet rreġistrati.
3. L-ispejjeż addizzjonali għandhom jiġu espressi f'euro għal kull tunnellata ta' piż ħaj u fejn xieraq, l-elementi kollha tal-ispiża tat-total tal-ispejjeż addizzjonali għandhom jinqelbu f'euro għal kull tunnellata ta' piż ħaj.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 791/2007 tal-21 ta' Mejju 2007 li jintroduċi skema bħala kumpens għall-ispejjeż addizzjonali magħmula fil-kummerċjalizzazzjoni ta' ċerti prodotti tas-sajd mir-reġjuni l-aktar imbiegħda l-Azores, il-Madeira, il-Gżejjer Kanarji, il-Gujana Franċiża u r-Réunion (ĠU L 176, 6.7.2007, p. 1).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 409/2009 tat-18 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi l-fatturi ta' konverżjoni tal-Komunità u l-kodiċijiet ta' preżentazzjoni użati sabiex jikkonvertu l-piż tal-ħut ipproċessat f'piż tal-ħut ħaj, u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 (ĠU L 123, 19.5.2009, p. 78).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/4 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1047/2014
tad-29 ta' Lulju 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-Artikolu 27(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, mill-1 ta' Awwissu 2015, l-Istati Membri li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta' ħalib għall-iskejjel huma mitluba jkollhom, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, strateġija minn qabel għall-implimentazzjoni tagħha. |
(2) |
L-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, jirrikjedi li, meta jkunu qed ifasslu l-istrateġiji tagħhom, l-Istati Membri għandhom ifasslu lista tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib li se jkunu eliġibbli skont l-iskemi rispettivi tagħhom. Sabiex l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel issir aktar effettiva, l-istrateġija ta' Stat Membru għandu jkun fiha wkoll elementi ewlenin oħrajn, jiġifieri l-grupp ta' età tat-tfal u l-frekwenza tad-distribuzzjoni, in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsiru pagamenti nazzjonali, u l-arranġamenti biex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-iskema. |
(3) |
Meta Stat Membru jkun beħsiebu jipprevedi miżuri ta' akkumpanjament skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa għandu jiddeskrivi wkoll dawk il-miżuri fl-istrateġija tiegħu. |
(4) |
Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar l-istrateġija nazzjonali jew reġjonali li l-Istati Membri għandhom ifasslu għall-finijiet tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw mill-2015 'il quddiem, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Strateġija
1. L-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' ħalib għall-iskejjel li l-Istati Membri għandhom ifasslu hekk kif imsemmi fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju ta' kull sena.
2. L-istrateġija għandha tinkludi mill-inqas l-affarijiet li ġejjin:
(a) |
il-livell amministrattiv li fih se tiġi amministrata l-iskema ta' ħalib għall-iskejjel; |
(b) |
lista ta' ħalib u prodotti tal-ħalib identifikati bil-kodiċijiet tan-NM tagħhom, magħżula fil-kuntest tal-iskema, u spjegazzjoni tal-proċess biex jiġu stabbiliti l-prodotti li għandhom jiġu fornuti; |
(c) |
l-arranġamenti għall-provvista tal-prodotti fil-kuntest tal-iskema, inklużi l-frekwenza u t-twaqqit tad-distribuzzjoni u l-benefiċjarji koperti mill-iskema; |
(d) |
in-nefqa provviżorja fil-kuntest tal-iskema, inkluża informazzjoni dwar jekk hux se jsir pagament nazzjonali skont l-Artikolu 217 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u indikazzjoni tal-mezzi ta' finanzjament ta' pagamenti ta' dan it-tip; |
(e) |
l-arranġamenti mdaħħlin fis-seħħ għall-valutazzjoni tal-effikaċja tal-iskema. |
3. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jintroduċu miżuri ta' akkumpanjament għall-iskema tagħhom ta' ħalib għall-iskejjel skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huma għandhom jiddeskrivu t-tali miżuri fl-istrateġija tagħhom, inklużi l-għanijiet tal-miżuri u l-benefiċċji li mistennija joħorġu minnhomu kif dawn ser jiġu ffinanzjati.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-2015 'il quddiem.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/6 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1048/2014
tat-30 ta' Lulju 2014
li jistabbilixxi miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku u miżuri ta' informazzjoni għall-benefiċjarji skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53(4) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet. |
(2) |
L-esperjenza wriet li ċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhumiex biżżejjed konxji mir-rwol li għandha l-Unjoni fi programmi ta' finanzjament. Għalhekk huwa xieraq li l-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità meħtieġa biex jitranġa dan in-nuqqas fil-komunikazzjoni u l-informazzjoni jiġu definiti bir-reqqa. |
(3) |
Il-miżuri minimi meħtieġa biex jinfurmaw lill-benefiċjarji potenzjali dwar l-opportunitajiet finanzjarji offruti konġuntament mill-Unjoni u mill-Istati Membri permezz tal-programm nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti. Dan jiżgura li informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament possibbli tinfirex b'mod estensiv lill-partijiet kollha interessati u ssostni t-trasparenza. Sabiex tiġi msaħħa aktar it-trasparenza dwar l-użu tal-fondi, il-lista ta' benefiċjarji, l-ismijiet tal-proġetti u l-ammont ta' finanzjament pubbliku allokat għal proġetti għandu jiġi ppubblikat. |
(4) |
Sabiex tkun tista' ssir applikazzjoni fil-pront tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament u ma jkunx hemm dewmien fl-approvazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(5) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u konsegwentement huma marbuta b'dan ir-Regolament. |
(6) |
Id-Danimarka la hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u lanqas b'dan ir-Regolament. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-responsabbiltajiet ta' Stat Membru dwar informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku
1. L-Istat Membru jiżgura li miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità previsti fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 huma mxerrxa b'mod estensiv bl-użu ta' diversi forom u metodi ta' komunikazzjoni.
L-Istat Membru jiżgura li l-elementi ewlenin dwar il-programm nazzjonali huma mferrxa b'mod estensiv, bid-dettalji tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kkonċernati, u li jkunu disponibbli għall-partijiet kollha interessati.
Madankollu, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li jżomm bħala kunfidenzjali l-arranġamenti dettaljati ta' ġestjoni stabbiliti fil-programm nazzjonali u kull informazzjoni oħra dwar l-implimentazzjoni tagħha għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 53(3) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
2. L-Istat Membru jorganizza attivitajiet ta' informazzjoni, biex jippreżenta t-tnedija tal-progrmm nazzjonali jew il-kisbiet tiegħu kif ukoll il-kisbiet tar-Regolamenti Speċifiċi msemmija fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Il-lista ta' azzjonijiet msemmija fl-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tiġi aġġornata mill-inqas kull sena.
Kull Stat Membru jikkomunika l-indirizz tal-websajt imsemmija fl-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 lill-Kummissjoni.
Artikolu 2
Ir-responsabbiltajiet tal-benefiċjarji dwar informazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku
1. L-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarji jkunu responsabbli wkoll biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-assistenza finanzjarja miksuba skont programm nazzjonali, skont dan l-artikolu.
2. L-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarju jwaħħal plakka prominenti u permanenti li tkun ta' daqs sinifikanti mhux aktar tard minn tliet xhur wara t-tlestija ta' kull proġett li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-proġett teċċedi l-EUR 100 000 u |
(b) |
l-proġett jikkonsisti mix-xiri ta' oġġett fiżiku jew mill-finanzjament ta' proġetti ta' infrastruttura jew ta' kostruzzjoni. |
Fuq il-plakka jkun hemm it-tip u l-isem tal-proġett. L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1049/2014 (2) tieħu mill-inqas 25 % tal-plakka.
3. Meta proġett jirċievi finanzjament skont programm nazzjonali, l-Istati Membri jiżguraw li l-benefiċjarju jkun ċert li l-persuni li jieħdu sehem fil-proġett jiġu infurmati dwar dan il-finanzjament.
4. Kull dokument ta' proġett jew programm nazzjonali, inklużi ċertifikati ta' attendenza, jinkludu stqarrija li tindika li l-proġett huwa kofinanzjat skont il-programm nazzjonali.
Artikolu 3
Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jinforma lil benefiċjarji potenzjali
1. L-Istat Membru jiżgura li benefiċjarji potenzjali jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti aġġornata, billi jikkunsidra l-aċċessibbiltà ta' mezzi elettroniċi jew kull teknoloġija oħra, għall-inqas dwar dan li ġej:
(a) |
l-opportunitajiet ta' finanzjament u t-tnedija ta' sejħiet għall-proposti; |
(b) |
il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għal finanzjament skont programm nazzjonali; |
(c) |
deskrizzjoni tal-proċeduri għall-eżaminazzjoni ta' applikazzjonijiet għal finanzjament u l-perjodi ta' żmien involuti; |
(d) |
il-kriterji għas-selezzjoni u l-għoti ta' proġetti li għandhom jiġu finanzjati; |
(e) |
il-kuntatti li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-programmi nazzjonali. |
2. L-Istat Membru jinforma lill-benefiċjarji potenzjali dwar il-pubblikazzjonijiet disponibbli skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 4
Ir-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jinforma lill-benefiċjarji
L-Istat Membru jinforma lill-benefiċjarji li l-aċċettazzjoni tal-finanzjament jimplika wkoll aċċettazzjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-lista ta' azzjonijiet ippubblikata skont l-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 514/2014.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1049/2014 tat-30 ta' Lulju 2014 dwar karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal sostenn finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (Ara l-paġna 9 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/9 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1049/2014
tat-30 ta' Lulju 2014
dwar karatteristiċi tekniċi ta' miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità skont ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (1), b'mod partikolari l-Artikolu 53(5) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u tal-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet. |
(2) |
Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni jiġi rikonoxxut b'mod viżibbli biex ir-rwol li għandha l-Unjoni fi programmi ta' finanzjament jista' jsir magħruf ħafna aktar. Miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità għalhekk għandu jkun fihom informazzjoni speċifika li tindika l-involviment tal-Unjoni, inkluża l-emblema tal-Unjoni. Għal finijiet ta' koerenza, l-emblema tal-Unjoni għandha tidher f'format standard. |
(3) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u konsegwentement huma marbuta b'dan ir-Regolament. |
(4) |
Id-Danimarka la hija marbuta bir-Regolament (UE) Nru 514/2014 u lanqas b'dan ir-Regolament. |
(5) |
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament u ma jkunx hemm dewmien għall-approvazzjoni tal-programmi nazzjonali, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(6) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u s-Sigurtà Interna, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-karatteristiċi tekniċi tal-informazzjoni u pubbliċità għall-proġett
Il-miżuri kollha ta' informazzjoni u pubbliċità mmirati lejn benefiċjarji, benefiċjarji potenzjali u l-pubbliku ġenerali jinkludu:
(a) |
l-emblema tal-Unjoni Ewropea, skont l-istandards grafiċi stabbiliti fl-Anness, u referenza għall-Unjoni Ewropea; |
(b) |
referenza għall-Fond li jsostni l-proġett kif indikat fl-Anness; |
(c) |
dikjarazzjoni magħżula mill-Awtorità Responsabbli, li tagħmel enfasi fuq il-valur miżjud tal-kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea. |
Għal oġġetti promozzjonali żgħar, il-punti (a) u (c) ma japplikawx.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112.
ANNESS
STRUZZJONIJIET DWAR L-EMBLEMA U DEFINIZZJONI TAL-KULURI STANDARD DESKRIZZJONI SIMBOLIKA
Fuq sfond ta' sema ikħal, tnax-il stilla tad-deheb jiffurmaw ċirku li jirrappreżenta l-unjoni tal-popli tal-Ewropa. In-numru ta' stilel huwa fiss, u tnax huwa s-simbolu tal-perfezzjoni u l-unità.
Għad-dettalji sħaħ u gwida, ara http://ec.europa.eu/dgs/communication/services/visual_identity/pdf/use-emblem_mt.pdf
1. DESKRIZZJONI ERALDIKA
Fuq sfond ta' ikħal ċar, ċirku ta' tnax-il ħuta tas-sura tal-buras, tad-deheb, u l-ponot tagħhom ma jmissux.
2. DESKRIZZJONI ĠEOMETRIKA
L-emblema għandha forma ta' bandiera blu rettangolari li minnha t-tperpira (il-wisa') hija darba u nofs it-tul tal-ħabel (l-għoli). Tnax-il stilla tad-deheb li jinsabu f'intervalli ndaqs jiffurmaw ċirku inviżibbli li ċ-ċentru tiegħu huwa l-punt fejn jaqsmu d-djagonali tar-rettangolu. Ir-raġġ taċ-ċirku hu daqs terz tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. Kull waħda mill-istilel għandha ħames ponot li jinsabu fiċ-ċirkumferenza ta' ċirku inviżibbli b' raġġ daqs wieħed minn tmintax tat-tul tal-eqreb parti tal-bandiera lejn l-arblu. L-istilel kollha huma rashom 'il fuq, jiġifieri b'ponta vertikali u żewġ ponot f'linja dritta f'angoli retti mal-arblu. Iċ-ċirku hu rranġat biex l-istilel jidhru fil-pożizzjoni tas-sigħat fuq il-wiċċ ta' arloġġ. L-għadd tagħhom ma jinbidilx.
3. IL-KULURI REGOLAMENTARI
L-emblema għandha dawn il-kuluri:
|
Il-BLU REFLEX PANTONE għall-wiċċ tar-rettangolu; |
|
L-ISFAR PANTONE għall-istilel. |
Il-proċess ta' erba' kuluri
Jekk jintuża l-proċess ta' erba' kuluri, erġa' oħloq iż-żewġ kuluri standard billi tuża l-erba' kuluri tal-proċess ta' erba' kuluri.
L-ISFAR PANTONE jinkiseb bl-użu ta' 100 % “Process Yellow”.
IL-BLU REFLEX PANTONE jinkiseb bit-taħlita ta' 100 % “Process Cyan” u 80 % “Process Magenta”.
4. INTERNET
IL-BLU REFLEX PANTONE jikkorrispondi fil-kulur tal-paletta tal-web RGB:0/0/153 (eżadeċimali: 003399) u l-ISFAR PANTONE għall-kulur RGB:255/204/0 (eżadeċimali: FFCC00).
5. IL-PROĊESS TAR-RIPRODUZZJONI MONOKROMJU
Bl-użu tal-iswed, pinġi r-rettangolu bl-iswed u stampa l-istilel bl-iswed fuq l-abjad.
Meta tuża l-blu (Blu Reflex), uża 100 % bl-istilel riprodotti f'abjad negattiv.
6. RIPRODUZZJONI FUQ SFOND KULURIT
Jekk ma hemmx alternattiva għal sfond ikkulurit, poġġi bordura bajda mar-rettangolu, b'wisa' li hi daqs 1/25 tal-għoli tar-rettangolu.
7. L-APPLIKAZZJONI TA' TEST GĦAR-RIKONOXXIMENT TA' FINANZJAMENT MILL-UE
Regoli bażiċi
L-għoli minimu tal-emblema tal-UE għandu jkun ta' 1 cm.
L-isem tal-Unjoni Ewropea dejjem jiġi miktub b'mod sħiħ.
It-tipa użata flimkien mal-emblema tal-UE tista' tkun kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin: Arial, Calibri, Garamond, Trebuchet, Tahoma, Verdana.
Varjazzjonijiet bil-korsiv u sottolineati u l-użu ta' tipa bl-effetti mhumiex permessi.
— |
Il-pożizzjoni tat-test f'relazzjoni mal-emblema tal-UE mhix preskritta f'xi mod partikolari iżda t-test ma għandux jinterferixxi mal-emblema b'xi mod, |
— |
Id-daqs tat-tipa użata għandu jkunu proporzjonat mad-daqs tal-emblema, |
— |
Il-kulur tat-tipa għandu jkun blu reflex (l-istess kulur kaħlani bħal tal-bandiera tal-UE), iswed jew abjad skont l-isfond. |
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/14 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1050/2014
tas-6 ta' Ottubru 2014
li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissal-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu. |
(2) |
Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Ottubru 2014.
Għall-Kummissjoni,
F'isem il-President,
Jerzy PLEWA
Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.
ANNESS
Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex
(EUR/100 kg) |
||
Kodiċi tan-NM |
Kodiċi tal-pajjiż terz (1) |
Valur standard tal-importazzjoni |
0702 00 00 |
AL |
57,9 |
MA |
154,8 |
|
MK |
59,9 |
|
TR |
47,7 |
|
XS |
75,9 |
|
ZZ |
79,2 |
|
0707 00 05 |
TR |
100,9 |
ZZ |
100,9 |
|
0709 93 10 |
TR |
110,7 |
ZZ |
110,7 |
|
0805 50 10 |
AR |
124,5 |
CL |
123,1 |
|
IL |
102,2 |
|
TR |
111,8 |
|
UY |
119,4 |
|
ZA |
128,5 |
|
ZZ |
118,3 |
|
0806 10 10 |
BR |
155,3 |
MK |
32,3 |
|
TR |
121,7 |
|
ZZ |
103,1 |
|
0808 10 80 |
BA |
39,5 |
BR |
53,6 |
|
CL |
90,5 |
|
NZ |
143,0 |
|
ZA |
137,2 |
|
ZZ |
92,8 |
|
0808 30 90 |
CN |
95,2 |
TR |
123,2 |
|
ZZ |
109,2 |
(1) In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1106/2012 tas-27 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma' pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-aġġornament tan-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji (ĠU L 328, 28.11.2012, p. 7). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.
DEĊIŻJONIJIET
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/16 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tad-29 ta' Settembru 2014
li tawtorizza lill-Italja tapplika, f'żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użat għal raġunijiet ta' tisħin skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE
(2014/695/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-Italja kienet awtorizzata tapplika f'ċerti żoni partikolarment żvantaġġati rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. L-awtorizzazzjoni l-aktar reċenti ngħatat sal-31 ta' Diċembru 2012 mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/318/KE (2). |
(2) |
Permezz ta' ittra ddatata l-31 ta' Mejju 2012, l-awtoritajiet Taljani talbu awtorizzazzjoni biex japplikaw f'ċerti żoni ġeografikament partikolarment żvantaġġati rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta' tisħin, permezz ta' estensjoni tal-prattika segwita taħt id-Deċiżjoni 2008/318/KE, qabel ma kella tiskadi dik id-Deċiżjoni. Ġew ipprovduti informazzjoni addizzjonali u kjarifiki mill-awtoritajiet Taljani fl-4 ta' Diċembru 2012, fis-16 ta' Lulju 2013, fil-31 ta' Diċembru 2013 u fit-22 ta' Jannar 2014. Permezz ta' ittra ddatata d-19 ta' Marzu 2014, l-awtoritajiet Taljani talbu tiġdid tal-awtorizzazzjoni mogħtija bid-Deċiżjoni 2008/318/KE mingħajr bidliet fl-ambitu territorjali tagħha għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2018. |
(3) |
L-Italja għandha territorju li jvarja ħafna b'kondizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjabbli. L-Italja qieset il-partikolaritajiet tat-territorju tagħha u introduċiet rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG bil-ħsieb li tpaċi parzjalment l-ispejjeż disproporzjonalment għoljin tat-tisħin għar-residenti f'ċerti żoni ġeografiċi. |
(4) |
Id-divrenzjar fit-taxxa fl-Italja huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u għandu l-għan li jqiegħed il-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli fuq bażi aktar komparabbli mal-bqija tal-popolazzjoni permezz ta' tnaqqis tal-spejjeż disproporzjonalment għoljin tat-tisħin tagħhom, li huma dovuti għal kondizzjonijiet klimatiċi severi jew diffikultajiet fl-akkwist ta' fjuwil. |
(5) |
Ir-rati mnaqqsin tat-taxxa huma applikabbli f'żoni ġeografiċi li jissodisfaw wieħed mill-kriterji li ġejjin: (a) kondizzjonijiet klimatiċi l-aktar severi fit-territorju Taljan, jiġifieri muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona F kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993 (3); (b) kondizzjonijiet klimatiċi severi flimkien ma' diffikultajiet fl-akkwist tal-fjuwil, jiġifieri muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona E kif definita fid-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993; u (c) iżolament ġeografiku flimkien ma' akkwist tal-fjuwil għali u diffikultuż, jiġifieri Sardinja u gżejjer żgħar. Billi l-iżvilupp tan-netwerk tal-gass naturali, sa ċertu punt sinifikanti, jnaqqas l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin u jwassal għal diversità akbar fil-provvista tal-fjuwil, fejn ikun xieraq, ir-rati mnaqqsin tat-taxxa għandhom ikunu applikati biss sa meta jitlesta n-netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalitajiet konċernati. |
(6) |
Il-miżura mitluba ġiet eżaminata mill-Kummissjoni u nstabet li ma tikkawżax distorsjoni tal-kompetizzjoni u lanqas ittellef l-operat tas-suq intern, u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika tal-UE dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport. Ir-rata mnaqqsa ta' tassazzjoni kemm għall-gażolju kif ukoll għal-LPG tibqa' ogħla mil-livelli minimi ta' tassazzjoni tal-UE stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE u tkun ittaffi b'mod parzjali biss l-ispejjeż addizzjonali għat-tisħin fiż-żona ġeografika inkwistjoni. |
(7) |
Il-miżura mitluba tkun tapplika biss għal għanijiet ta' tisħin ta' spazji (kemm għall-individwi privati kif ukoll għan-negozji) u ma tkunx tapplika għal forom oħra ta' użu kummerċjali ta' gażolju u LPG. Skont l-awtoritajiet Taljani, l-ammont tal-vantaġġ fir-rigward tat-taxxa għall-utenti kummerċjali jkun f'kull każ partikulari kopert bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (4). Madankollu, jekk il-benefiċċju għal xi impriża singola jeċċedi l-limitu massimu stabbilit f'dak ir-Regolament, huwa għandu jiġi notifikat lill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 (5). |
(8) |
Sabiex jiġi żgurat li l-miżura tapplika mingħajr interruzzjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-applikazzjoni ta' rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa konċessi mid-Deċiżjoni 2008/318/KE, li skadiet fil-31 ta' Diċembru 2012, ikun xieraq li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' Jannar 2013. L-applikazzjoni kontinwa ta' rati mnaqqsa tad-dazju tas-sisa tkun qed tikkontribwixxi biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u ma tkunx qed timmina l-aspettattivi leġittimi tal-popolazzjoni taż-żoni eliġibbli. Għalhekk, ikun xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal sitt snin. Dan il-perjodu ta' applikazzjoni jipprovdi lill-awtoritajiet Taljani bi żmien suffiċjenti biex jivvalutaw l-effett ambjentali tal-miżura. Dan ikun jindika wkoll li fil-futur ikun meħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri aktar immirati għall-iffrankar tal-enerġija sabiex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija u sabiex jiġi żgurat effett pożittiv fuq l-ambjent, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Italja hija b'dan awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq il-gażolju u l-LPG użati għal raġunijiet ta' tisħin fiż-żoni ġeografikament żvantaġġati li ġejjin:
(a) |
il-muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif stabbilita bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta' Awwissu 1993 Nru 412; |
(b) |
il-muniċipalitajiet li jaqgħu fiż-żona klimatika E kif stabbilita bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta' Awwissu 1993 Nru 412; |
(c) |
il-muniċipalitajiet ta' Sardinja u l-gżejjer żgħar, jiġifieri l-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija. |
2. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed, it-tnaqqis ma għandux jeċċedi l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin taż-żoni kkonċernati. Fil-każ partikolari ta' Sardinja u l-gżejjer żgħar, bħala konsegwenza, it-tnaqqis tat-taxxa ma għandux irendi l-prezz inqas mill-prezz tal-istess fjuwil fl-Italja kontinentali.
3. Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE, u b'mod partikolari mal-livelli minimi ta' tassazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9 tagħha.
Artikolu 2
L-eliġibbiltà taż-żoni ġeografiċi msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(1) għandha tkun kondizzjonata min-nuqqas ta' disponibbiltà ta' netwerk tal-gass naturali fil-muniċipalità.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2018.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
S. GOZI
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/318/KE tas-7 ta' April 2008 li tawtorizza lill-Italja sabiex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta' taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għal finijiet ta' tisħin skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE (ĠU L 109, 19.4.2008, p. 27).
(3) Id-Digriet Presidenzjali Nru 412 tal-1993 jaqsam it-territorju Taljan f'sitt żoni klimatiċi (A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità “gradi kull jum” li tirrappreżenta l-ammont ta' jiem kull sena li t-temperatura ta' barra ma tkunx l-ottimu ta' 20 °C u b'hekk ikun meħtieġ it-tisħin.
(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta' Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).
Rettifika
7.10.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 291/19 |
Rettifika għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 906/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-infiq b'intervent pubbliku
( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 255 tat-28 ta' Awwissu 2014 )
Fil-paġna 5, fl-aħħar paragrafu tat-tieni punt tal-ewwel parti tal-Anness I:
flok:
“… kif imsemmi fil-punti (a)…”;
aqra:
“…kif imsemmi fil-punti 1…”;
Fil-paġna 5, fl-ewwel paragrafu tat-tielet punt tal-ewwel parti tal-Anness I:
flok:
“…id-dispożizzjonijiet tal-punt (b)…”
aqra:
“…id-dispożizzjonijiet tal-punt 2…”
Fil-paġna 5, fl-ewwel paragrafu tat-tielet punt tal-ewwel parti tal-Anness I:
flok:
“…id-dispożizzjonijiet tal-punt (a).”,
aqra:
“…id-dispożizzjonijiet tal-punt 1.”.