ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 270

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
11 ta' Settembru 2014


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 957/2014 tal-10 ta' Settembru 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912) ( 1 )

1

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 958/2014 tal-10 ta’ Settembru 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

4

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/657/UE

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2014 li taċċetta proposta minn grupp ta' produtturi esportaturi flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi għal kjarifiki rigward l-implimentazzjoni tal-impenn imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazjoni 2013/707/UE

6

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

11.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 957/2014

tal-10 ta' Settembru 2014

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 rigward it-tneħħija ta' esteri tal-aċidu montaniku (E 912)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u 14 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (2) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

L-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) huma xemgħat awtorizzati bħala aġenti tal-kisi biex jiġi ttrattat il-wiċċ tal-frott taċ-ċitru, il-bettieħ, il-papaja, il-mango, l-avokado u l-ananas skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula li l-addittivi tal-ikel kollha li kienu diġà permessi fl-Unjoni qabel l-20 ta' Jannar 2009 huma soġġetti għal valutazzjoni tar-riskju ġdida mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”).

(5)

Għal dak il-għan, programm għall-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel huwa stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (3). Skont ir-Regolament (UE) Nru 257/2010, il-valutazzjoni mill-ġdid tal-addittivi tal-ikel għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa għandha ssir sal-31 ta' Diċembru 2018. Madankollu, ċerti addittivi tal-ikel, inklużi l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912), għandhom prijorità ogħla u għandhom jiġu evalwati qabel.

(6)

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010, l-operatur(i) kummerċjali interessati u kwalunkwe parti interessata oħra għandhom iressqu d-dejta relatata mal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel fil-perjodu stabbilit mill-awtorità fis-sejħa tagħha għad-dejta.

(7)

Fil-15 ta' Frar 2012, l-Awtorità nediet sejħa pubblika għal dejta xjentifika dwar l-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) (4) billi stiednet lill-partijiet interessati biex sal-1 ta' Ġunju 2012 iressqu d-dejta mitluba jew jagħtu informazzjoni.

(8)

Fis-7 ta' Ġunju 2013 l-Awtorità tat Opinjoni Xjentifika dwar il-valutazzjoni mill-ġdid tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) bħala addittivi tal-ikel (5). L-opinjoni ddikjarat li ma kienet disponibbli l-ebda dejta dwar it-tossikokinetika u t-tossiċità riproduttiva u tal-iżvilupp tal-esteri tal-aċidu montaniku. Id-dejta disponibbli fuq żmien qasir u t-tossiċità subkronika, il-ġenotossiċità u t-tossiċità kronika u l-karċinoġeniċità tal-esteri tal-aċidu montaniku kienu limitati. Ma tressqet l-ebda dejta dwar l-użu. Abbażi ta' dawk il-limitazzjonijiet, l-Awtorità kkonkludiet li l-esteri tal-aċidu montaniku bħala addittiv tal-ikel ma setgħux jiġu evalwati.

(9)

L-Artikolu 6(5) tar-Regolament (UE) Nru 257/2010 jistipula li fejn it-tagħrif meħtieġ għat-tlestija tal-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittiv tal-ikel partikolari ma jingħatax mill-operatur(i) kummerċjali interessati jew kwalunkwe parti interessata oħra lill-Awtorità fi żmien l-iskadenzi stipulati, l-addittiv tal-ikel jista' jitneħħa mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjonijiet ta' dan l-addittiv tal-ikel għandhom jitneħħew ukoll mir-Regolament (UE) Nru 231/2012.

(10)

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, il-lista tal-Unjoni ta' adittivi tal-ikel approvati għandha tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata kemm fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni kif ukoll wara applikazzjoni.

(12)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati bit-tneħħija tal-esteri tal-aċidu montaniku (E 912) mil-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel awtorizzati peress li minħabba n-nuqqas ta' evidenza xjentifika riċenti l-inklużjoni tagħhom fil-lista ma għadhiex ġustifikata.

(13)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ikel li fih esteri tal-aċidu montaniku (E 912) li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jiġu kkummerċjalizzati sakemm il-ħażniet jiġu eżawriti.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).

(4)  http://www.efsa.europa.eu/en/dataclosed/call/120215a.htm

(5)  EFSA Journal 2013; 11(6):3236.

(6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).


ANNESS I

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Parti B, it-Taqsima 3 “Addittivi għajr il-kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra;

(2)

Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 4.1.1 “Frott u ħxejjex friski, sħaħ”, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.


ANNESS II

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel E 912 hija mħassra.


11.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/4


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 958/2014

tal-10 ta’ Settembru 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 KG)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

MK

65,0

TR

64,5

ZZ

64,8

0707 00 05

TR

127,2

ZZ

127,2

0709 93 10

TR

129,7

ZZ

129,7

0805 50 10

AR

192,2

BR

100,4

CL

207,8

IL

182,0

UY

169,8

ZA

173,9

ZZ

171,0

0806 10 10

BR

171,0

EG

167,7

TR

121,9

ZZ

153,5

0808 10 80

BA

50,7

BR

65,1

CL

105,4

NZ

131,8

US

129,1

ZA

135,3

ZZ

102,9

0808 30 90

TR

134,1

XS

50,3

ZA

120,5

ZZ

101,6

0809 30

TR

136,3

ZZ

136,3

0809 40 05

MK

41,2

ZZ

41,2


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

11.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/6


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta' Settembru 2014

li taċċetta proposta minn grupp ta' produtturi esportaturi flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi għal kjarifiki rigward l-implimentazzjoni tal-impenn imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazjoni 2013/707/UE

(2014/657/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament antidumping bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku antisussidji”), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku antidumping u l-Artikolu 25 tar-Regolament bażiku antisussidji,

Billi:

A.   PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) nediet proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' moduli fotovoltajċi tas-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli u wejfers) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) (3). Fit-8 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni fetħet proċediment antisussidji fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet (4).

(2)

Il-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 (5), imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli u wejfers) li joriġinaw jew jintbagħtu RPĊ.

(3)

Permezz tad-Deċiżjoni 2013/423/UE (6) l-Kummissjoni aċċettat prezz ta' impenn minn grupp ta' produtturi esportaturi flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (“CCCME”) fir-rigward tad-dazji antidumping provviżorji. Permezz tar-Regolament (UE) Nru 748/2013 (7), il-Kummissjoni emendat ir-Regolament (UE) Nru 513/2013 biex tintroduċi l-bidliet tekniċi meħtieġa minħabba l-aċċettazzjoni tal-impenn fir-rigward tad-dazji antidumping provviżorji.

(4)

Wara n-notifika ta' verżjoni emendata ta' impenn minn grupp ta' produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME, permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE (8), il-Kummissjoni kkonfermat li aċċettat l-impenn kif emendata (“l-impenn”) għall-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri definittivi.

(5)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1238/2013 (9), impona dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu fir-RPĊ li mhumiex koperti mill-impenn.

(6)

Il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 1239/2013 (10), impona wkoll dazju kompensatorju definittiv fuq il-moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu fir-RPĊ li mhumiex koperti mill-impenn.

B.   IMPENN

1.   Implimentazzjoni tal-impenn

(7)

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE, EU ProSun, l-assoċjazzjoni li ressqet l-ilmenti tal-antidumping u l-antisussidji, staqsiet dwar l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' adattament tal-prezz tal-impenn. L-EU ProSun qieset li ma setgħetx teżerċita sew id-drittijiet tagħha ta' difiża peress li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-test tal-impenn ma tispeċifikax b'mod espliċitu li serje tal-prezzijiet internazzjonali ta' Bloomberg, li hija l-bażi tal-adattamenti tal-prezz, hija “espressa f'euro”. Għall-kuntrarju tal-fehim inizjali tas-servizzi tal-Kummissjoni u tal-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME, l-EU ProSun qieset li l-prezzijiet spot internazzjonali, kif rappurtati mill-bażi tad-dejta ta' Bloomberg, ma għandhomx jiġu kkonvertiti minn USD għal EUR. Dawn il-fehmiet ġew espressi f'seduti ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (“DĠ KUMMERĊ”) fl-10 ta' April 2014 u fl-14 ta' Mejju 2014.

(8)

Kwistjonijiet oħra li tqajmu kienu marbuta mal-implimentazzjoni tal-impenn f'relazzjoni mal-adattament fil-prezz u l-livell annwali għaċ-ċelloli, kif ukoll il-figura tal-konsum ta' referenza għas-sena 2013 użati fil-kalkoli li wasslu għall-ewwel adattament fil-livell annwali. Sadanittant dawn il-punti ġew iċċarati bejn l-EU ProSun u s-servizzi tal-Kummissjoni.

(9)

Fuq il-bażi tal-kummenti li wasslu minn EU ProSun, fit-2 ta' Mejju 2014 il-Kummissjoni fittxet l-opinjonijiet tal-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME. Fir-risposta tagħhom tat-13 ta' Mejju 2014, ikkumplimentata fis-16 ta' Ġunju 2014, is-CCCME kienet tal-fehma li l-applikazzjoni tal-konverżjoni tal-munita minn USD għal EUR kienet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-impenn. Waqt seduta mal-Uffiċjal tas-Smigħ tad-DĠ KUMMERĊ fit-12 ta' Ġunju 2014, is-CCCME tenniet dik il-fehma. F'ittra datata l-15 ta' Lulju 2014, EU ProSun ikkummentat dwar l-opinjonijiet espressi mis-CCCME fis-seduta. Fit-13 ta' Ġunju 2014, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-impenn, il-Kummissjoni talbet konsultazzjonijiet mal-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME. It-talba kkonċernat il-munita li għandha tintuża għall-mekkaniżmu tal-adattament tal-prezz. Il-Kummissjoni nnutat li dik il-munita ma kinitx indikata biċ-ċar fl-impenn u li għalhekk il-mekkaniżmu tal-adattament tal-prezz kien jeħtieġ preċiżjoni ġuridika ulterjuri. Fl-1 ta' Lulju 2014, il-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME aċċettaw it-talba għall-konsultazzjonijiet. Fid-9 ta' Lulju 2014, sabiex jiġu ċċarati dawn il-kwistjonijiet tekniċi dwar l-implimentazzjoni tal-impenn saru konsultazzjonijiet bejn is-CCCME u l-Kummissjoni, skont il-klawżola rilevanti tal-impenn. Fl-24 ta' Lulju 2014, il-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME ssottomettew notifika (“in-notifika CCCME”) li tipproponi li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-adattament tal-prezzijiet tiġi ċċarata billi l-abbozzar tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-impenn jiġu ssupplimentati.

(10)

In-notifika CCCME kienet disponibbli għall-partijiet interessati sabiex tippermettilhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' difiża fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' ċerti klawżoli tal-impenn. L-EU ProSun esprimiet l-oppożizzjoni tagħha għall-kjarifika proposta tal-implimentazzjoni tal-impenn permezz tal-ittri tat-28 ta' Lulju u tat-30 ta' Lulju 2014. Hija talbet ukoll l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-DĠ KUMMERĊ, u saret seduta fil-31 ta' Lulju 2014. Fl-4 ta' Awwissu 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati dwar elementi fattwali u ġuridiċi essenzjali li abbażi tagħhom hija biħsiebha taċċetta l-kjarifika proposta. Hija stiednet lill-partijiet interessati biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. Fis-6 ta' Awwissu 2014, fl-14 ta' Awwissu 2014 u tardivament fil-25 ta' Awwissu 2014 l-EU ProSun irrepetiet l-oppożizzjoni tagħha għall-kjarifika proposta.

2.   Valutazzjoni

(11)

Il-Kummissjoni issa għandha tiddeċiedi jekk tistax taċċetta l-kjarifiki proposti fin-notifika CCCME. L-EU ProSun tikkontesta dan fuq il-bażi ta' ħames argumenti. Din id-Deċiżjoni hija mmirata lejn kjarifika teknika u mhux lejn l-analiżi tal-miżuri li huma fis-seħħ. Għalhekk l-argumenti tal-EU ProSun jistgħu jiġu vvalutati biss sa fejn dawn jirrigwardaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(12)

L-ewwel nett, EU ProSun ikkontestat li l-impenn jista' jinqara li jippermetti l-konverżjoni tas-serje internazzjonali ta' Bloomberg f'euro. Għalhekk, fil-fehma tagħha, l-aċċettazzjoni tal-kjarifika proposta tal-implimentazzjoni tal-impenn tikkostitwixxi modifika mhux permssa tal-impenn. Il-Kummissjoni, wara li semgħet lill-partijiet, itenni li t-test tal-impenn huwa ambigwu, peress li ma jipprovdix espressament għall-konverżjoni tal-munita, u lanqas ma jeskludi tali konverżjoni, u li, għalhekk, hija xierqa kjarifika fl-interess taċ-ċertezza ġuridika. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li tirriżulta min-notifika CCCME hija konformi mal-loġika u l-iskema ġenerali tal-impenn, kif rifless fil-fehim komuni.

(13)

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-konverżjoni tal-prezzijiet internazzjonali ta' Bloomberg f'euro kienet parti mill-fehim komuni tal-partijiet fl-impenn. Barra minn hekk, il-konverżjoni tas-serje tal-prezzijiet internazzjonali ta' Bloomberg f'euro hija meħtieġa peress dawn jintużaw bħala punt referenzjarju biex jiġi adattat il-MIP, li huwa espress f'euro. Il-fatt li l-konverżjoni sseħħ ma jwassalx fih innifsu għal iktar (jew inqas) dumping jew sussidjar dannuż, peress li l-varjazzjonijiet fil-munita jistgħu jkunu 'l fuq u 'l isfel. Dan huwa mekkaniżmu awtomatiku ta' adattament tal-prezzijiet tal-MIP inizjali espress f'euro. Fi kwalunkwe każ, ir-rata tal-kambju hija fattur li operaturi differenti jqisu wkoll meta jbigħu f'suq partikolari, li f'dan il-każ huwa fis-suq tal-Unjoni.

(14)

It-tieni, EU ProSun argumentat li l-aċċettazzjoni tal-kjarifika proposta tal-implimentazzjoni tal-impenn twassal biex il-MIP jonqos dejjem aktar. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-mekkaniżmu tal-adattament jeskludi r-riskju ta' spiral 'l isfel (jew 'il fuq) tal-prezzijiet billi jiżgura ritorn lejn il-MIP inizjali jekk il-varjazzjoni fil-prezz tkun inqas minn ċertu perċentwali fi tliet xhur partikolari. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-kwotazzjonijiet tal-prezzijiet miġbura minn Bloomberg huma kkunsidrati bħala rappreżentattivi tal-prezzijiet madwar id-dinja kollha tal-pannelli solari, u huma bbażati fuq kampjun li fih prezzijiet osservati fis-swieq nazzjonali differenti minn produtturi minn pajjiżi differenti. Fl-2013, is-suq Ewropew ammonta għal madwar 28 % tal-konsum dinji tal-pannelli solari (10 975 MW mit-38 358 MW kapaċità installata ġdida), skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija Fotovoltajka (“EPIA”) (11). It-tranżazzjonijiet koperti mill-impenn jirrappreżentaw bħala riżultat sinifikattivament inqas minn 28 % tat-tranżazzjonijiet madwar id-dinja kollha, li għalihom hija rappreżentattiva tas-serje tal-prezzijiet internazzjonali ta' Bloomberg. Għalhekk, l-impatt ta' bidla fil-MIP fuq is-serje tal-prezzijiet internazzjonali ta' Bloomberg huwa limitat. Għaldaqstant, l-allegazzjoni li l-mekkaniżmu tal-adattament tal-MIP iwassal għal spiral 'l isfel tal-prezzijiet hija żbaljata.

(15)

It-tielet, EU ProSun argumentat li l-Kummissjoni għandha tuża serje tal-prezzijiet internazzjonali li jeskludu l-prezzijiet Ċiniżi. Il-Kummissjoni nnutat li din l-għażla hija msemmija fit-test tal-impenn bħala t-tieni għażla li ma hijiex immedjatament operattiva. Dan jista' jiġi kkunsidrat fil-ġejjieni, wara l-proċeduri xierqa.

(16)

Ir-raba', EU ProSun sostniet li l-MIP adattat ma jneħħix il-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tinnota li l-impenn jinkludi mill-bidu nett l-MIP inizjali u adattament tal-prezz. Il-valutazzjoni fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti għall-aċċettazzjoni ta' impenni fir-Regolamenti bażiċi tal-antidumping u tal-antisussidji għalhekk tkopri l-adattament tal-prezz. Dan l-adattament tal-prezz huwa eżerċizzju awtomatiku. Il-MIP u l-mekkaniżmu tal-adattament tal-prezz huma applikati skont ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku antidumping u fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku antisussidji.

(17)

Il-ħames, EU ProSun argumentat li n-notifika CCCME mihijiex ġustifikata ekonomikament. L-ewwel argument ekonomiku huwa li l-bażi tad-dejta ta' Bloomberg hija indiċi u mhux kwotazzjoni espliċita tal-prezzijiet, minħabba li prezzijiet minn swieq differenti huma standardizzati f'USD. Il-Kummissjoni tosserva li l-impenn jirreferi għal “prezzijiet medji”, u għalhekk huwa bbażat fuq il-fehma li l-bażi tad-dejta ta' Bloomberg fiha kwotazzjonijiet tal-prezzijiet. Mhuwiex ikkontestat li l-bażi tad-dejta ta' Bloomberg hija ġabra ta' prezzijiet, li hija disponibbli f'USD. Madankollu l-MIP hija espressa f'euro. Għalhekk, huwa xieraq li dawk il-kwotazzjonijiet jiġu kkonvertiti f'euro, sabiex ikun magħruf il-prezz f'euro li bih jistgħu jinxtraw il-pannelli solari fis-suq dinji. Peress li l-kuntratti konklużi fl-Unjoni huma prinċipalment f'euro, il-Kummissjoni tqis li l-prezzijiet medji f'euro huma iktar relevanti għall-valutazzjoni tal-impatt ta' xejriet fil-prezzijiet internazzjonali fuq is-sitwazzjoni fl-Unjoni. It-tieni argument ekonomiku jirrigwarda l-għan tal-mekkaniżmu tal-aġġustament u jekk huwiex simili għall-għan tal-mekkaniżmi tal-aġġustament użati f'impenji oħra, li kienu bbażati fuq il-prezz tal-materja prima. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li, il-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2013/423/UE fil-fatt tindika li l-għan tal-mekkaniżmu ta' adattament f'dan il-każ huwa identiku għall-għan tal-mekkaniżmi ta' adattament użati f'impenji preċedenti minkejja l-fatt li f'dan il-każ, għal raġunijiet tekniċi, ma setax jintużaw il-prezz tal-materja prima. It-tieni, il-MIP mhuwiex ibbażat fuq il-kostijiet tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Unjoni inkluż profitt raġonevoli, iżda fuq il-metodoloġija deskritta fil-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2013/423/UE u l-premessa 22 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE.

3.   Aċċettazzjoni tal-kjarifika proposta tal-implimentazzjoni tal-impenn

(18)

Il-Kummissjoni tqis li l-kjarifika proposta taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-impenn, kif aċċettata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE.

(19)

Fid-dawl tat-tħassib espress minn partijiet terzi waqt l-implimentazzjoni tal-impenn, huwa xieraq li l-kjarifika proposta tal-implimentazzjoni tal-impenn tiġi aċċettata u li jingħalqu l-konsultazzjonijiet mal-produtturi esportaturi flimkien mas-CCCME. Il-partijiet interessati ġew infurmati bil-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proposta għall-kjarifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-impenn aċċettat mill-produtturi esportaturi elenkati fl-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/707/UE flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ taċ-Ċina għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta' Makkinarju u Prodotti Elettroniċi, b'rabta mal-proċedimenti antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qiegħda b'hekk tiġi aċċettata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 188, 18.7.2013, p. 93.

(3)  ĠU C 269, 6.9.2012, p. 5.

(4)  ĠU C 340, 8.11.2012, p. 13

(5)  ĠU L 152, 5.6.2013, p. 5.

(6)  ĠU L 209, 3.8.2013, p. 26.

(7)  ĠU L 209, 3.8.2013, p. 1.

(8)  ĠU L 325, 5.12.2013, p. 214.

(9)  ĠU L 325, 5.12.2013, p. 1.

(10)  ĠU L 325, 5.12.2013, p. 66.

(11)  Global Market Outlook for Photovoltaics 2014-2018, p. 18.