ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 257

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
28 ta' Awwissu 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE

73

 

*

Regolament (UE) Nru 911/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass ( 1 )

115

 

*

Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti

121

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu

135

 

*

Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE ( 1 )

146

 

*

Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) fir-rigward tal-funzjonijiet tad-depożitarji, il-politiki tar-remunerazzjoni u s-sanzjonijiet ( 1 )

186

 

*

Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ( 1 )

214

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/1


REGOLAMENT (UE) Nru 909/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs), flimkien mal-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jagħtu kontribut kbir għaż-żamma tal-infrastrutturi ta’ wara n-negozjar li jissalvagwardjaw is-swieq finanzjarji u jagħtu fiduċja lill-parteċipanti fis-suq li t-transazzjonijiet tat-titoli jiġu eżegwiti b’mod adatt u fi żmien adegwat, inkluż matul perijodi ta’ stress qawwi.

(2)

Minħabba l-pożizzjoni ewlenija tagħhom fil-proċess tas-saldu, is-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs huma ta’ importanza sistemika għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli. Peress li għandhom rwol importanti fis-sistemi taż-żamma tat-titoli li permezz tagħhom il-parteċipanti tagħhom jirrapportaw iż-żamma ta’ titoli tal-investituri, is-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs iservu wkoll bħala għodda essenzjali għall-kontroll tal-integrità ta’ ħruġ, li tostakola l-ħolqien jew it-tnaqqis bla bżonn ta’ titoli maħruġa, u b’hekk għandhom rwol importanti biex tinżamm il-fiduċja tal-investituri. Barra minn hekk, is-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs huma involuti mill-qrib fl-iżgurar tal-kollateral għal operazzjonijiet tal-politika monetarja kif ukoll fl-iżgurar tal-kollateral bejn istituzzjonijiet ta’ kreditu u għaldaqstant, huma atturi importanti fil-proċess ta’ kollateralizzazzjoni.

(3)

Filwaqt li d-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) naqqset it-tfixkil għal sistema ta’ saldu tat-titoli kkawżat minn proċeduri ta’ insolvenza kontra parteċipant f’dik is-sistema, huwa meħtieġ li jiġu indirizzati riskji oħrajn li s-sistemi tas-saldu tat-titoli qed jiffaċċjaw, kif ukoll ir-riskju ta’ insolvenza jew tfixkil fil-funzjonament tas-CSDs li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli. Għadd ta’ CSDs huma soġġetti għal riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità li ġejjin mill-forniment ta’ servizzi bankarji anċillari għas-saldu.

(4)

Fin-nuqqas ta’ regoli prudenzjali komuni, l-għadd dejjem jikber ta’ saldi transkonfinali bħala konsegwenza tal-iżvilupp ta’ ftehimiet ta’ konnessjoni bejn is-CSDs jixħet dubju fuq ir-reżiljenza tas-CSDs meta jiġu impurtati r-riskji li jiltaqgħu magħhom is-CSDs minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, minkejja ż-żieda fis-saldi transkonfinali, il-bidliet immexxija mis-suq lejn suq aktar integrat għas-servizzi tas-CSD irriżulta li seħħew bil-mod ħafna. Suq intern miftuħ għas-saldu tat-titoli għandu jippermetti li kwalunkwe investitur fl-Unjoni jinvesti fit-titoli kollha tal-Unjoni bl-istess faċilità bħal dik għat-titoli domestiċi, u filwaqt li juża l-istess proċessi bħal dawk li jintużaw għat-titoli domestiċi. Madankollu, is-swieq ta’ saldu fl-Unjoni għadhom frammentati transkonfinalment u s-saldu transkonfinali għadu jiswa’ aktar, minħabba regoli nazzjonali differenti li jirregolaw is-saldu u l-attivitajiet tas-CSDs u kompetizzjoni limitata bejn is-CSDs.

Dik il-frammentazzjoni xxekkel u toħloq riskji u spejjeż addizzjonali għas-saldu transkonfinali. Minħabba r-rilevanza sistemika tas-CSDs, il-kompetizzjoni bejniethom għandha tiġi promossa sabiex tippermetti li l-parteċipanti fis-suq ikollhom għażla ta’ fornitur u tnaqqas id-dipendenza fuq kwalunkwe fornitur individwali tal-infrastruttura. Fin-nuqqas ta’ obbligi identiċi għall-operaturi tas-suq u standards prudenzjali komuni għas-CSDs, miżuri diverġenti li x’aktar jittieħdu fil-livell nazzjonali jkollhom impatt dirett negattiv fuq is-sikurezza, l-effiċjenza u l-kompetizzjoni fis-swieq ta’ saldu tal-Unjoni. Huwa meħtieġ li jitneħħew dawk l-ostakoli sinifikanti fil-funzjonament tas-suq intern u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u li jiġu impediti ostakoli u distorsjonijiet bħal dawn milli jsiru fil-ġejjieni. Il-ħolqien ta’ suq integrat għas-saldu tat-titoli, fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn transazzjonijiet tat-titoli nazzjonali u transkonfinali, huwa bżonjuż għall-funzjonament xieraq tas-suq intern. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament għandha tkun l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat f’konformità mal-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(5)

Huwa meħtieġ li f’regolament jiġu stabbiliti għadd ta’ obbligi uniformi li għandhom jiġu imposti fuq il-parteċipanti fis-suq rigward ċerti aspetti taċ-ċiklu tas-saldu u d-dixxiplina u li jiġi pprovdut sett ta’ rekwiżiti komuni għas-CSDs li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli. Ir-regoli direttament applikabbli ta’ regolament għandhom jiżguraw li l-operaturi kollha tas-suq u s-CSDs ikunu soġġetti għal obbligi, standards u regoli direttament applikabbli. regolament għandu jżid is-sikurezza u l-effiċjenza tas-saldu fl-Unjoni billi jipprevjeni regoli nazzjonali diverġenti li jirriżultaw mit-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Regolament għandu jnaqqas il-kumplessità regolatorja għall-operaturi tas-suq u s-CSDs li tirriżulta minn regoli nazzjonali differenti u għandu jippermetti lis-CSDs jipprovdu s-servizzi tagħhom fuq bażi transkonfinali mingħajr ma jkollhom jikkonformaw ma’ settijiet differenti ta’ rekwiżiti nazzjonali bħal dawk li jikkonċernaw l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-organizzazzjoni jew ir-riskji tas-CSDs. Regolament li jimponi rekwiżiti identiċi fuq is-CSDs għandu jikkontribwixxi wkoll sabiex jiġu eliminati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(6)

Fl-20 ta’ Ottubru 2010, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja appella għal infrastrutturi tas-swieq ewlenin aktar robusti u talab ir-reviżjoni u t-titjib tal-istandards eżistenti. F’April 2012, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta’ Pagament u Saldu (CPSS) tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO) adottaw standards globali għal infrastrutturi tas-swieq finanzjarji. Dawk l-istandards issostitwixxew r-rakkomandazzjonijiet tal-BĦI mill-2001, li ġew adattati permezz ta’ linji gwida mhux vinkolanti fil-livell Ewropew fl-2009 mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli. B’kont meħud tan-natura globali tas-swieq finanzjarji u l-importanza sistemika tas-CSDs, hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata konverġenza internazzjonali tar-rekwiżiti prudenzjali li huma soġġetti għalihom. Dan ir-Regolament għandu jsegwu l-prinċipji eżistenti għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji żviluppati mis-CPSS-IOSCO. Il-Kummissjoni u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandhom jiżguraw il-konsistenza mal-istandards eżistenti u l-iżviluppi futuri tagħhom meta ifasslu jew jipproponu r-reviżjoni tal-istandards regolatorji tekniċi u tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni kif ukoll il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija f’dan ir-Regolament.

(7)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-2 ta’ Diċembru 2008, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissaħħu s-sikurezza u l-solidità tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli u li jiġu indirizzati l-ostakoli legali għall-proċess ta’ wara n-negozjar fl-Unjoni.

(8)

Wieħed mill-kompiti bażiċi tas-SEBĊ huwa li tippromwovi t-tħaddim mingħajr xkiel tas-sistemi tal-pagamenti. F’dan ir-rigward, il-membri tas-SEBĊ iwettqu l-monitoraġġ billi jiżguraw li jkun hemm sistemi ta’ kklerjar u ta’ pagament effiċjenti u sodi. Il-membri tas-SEBĊ spiss jaġixxu bħala aġenti tas-saldu għall-parti ta’ flus kontanti tat-transazzjonijiet tat-titoli. Dawn huma wkoll klijenti sinifikanti tas-CSDs, li spiss jimmaniġġjaw il-kollateralizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ politika monetarja.

Il-membri tas-SEBĊ għandhom ikunu involuti mill-qrib billi jiġu kkonsultati fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs, ir-rikonoxximent ta’ CSDs ta’ pajjiżi terzi u l-approvazzjoni ta’ ċerti konnessjonijiet tas-CSDs. Biex jipprevjenu l-iżvilupp ta’ settijiet paralleli ta’ regoli, huma għandhom ukoll ikunu involuti mill-qrib billi jiġu kkonsultati fl-istabbiliment ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni kif ukoll ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet għalkemm il-Kummissjoni u l-ESMA għandu jkollhom ir-responsabbiltà primarja għall-istabbiliment ta’ tali standards tekniċi, linji gwida u rakkomandazzjonijiet, kif stipulat f’dan ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali sabiex jiġu żgurati sistemi ta’ kklerjar u ta’ pagament effiċjenti u solidi fl-Unjoni u f’pajjiżi oħrajn. Dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni lill-membri tas-SEBĊ milli jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, inkluża s-sorveljanza tas-CSDs u infrastrutturi oħra tas-swieq finanzjarji.

(9)

Il-membri tas-SEBĊ, jew korpi oħra li jwettqu funzjonijiet simili f’ċerti Stati Membri jew korpi pubbliċi oħra inkarigati bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku fl-Unjoni jew li jintervjenu fih jistgħu huma stess jipprovdu għadd ta’ servizzi, bħat-tħaddim ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli, li jkunu jikkwalifikawhom bħala CSD. Tali entitajiet, meta jaġixxu bħala CSDs mingħajr ma jistabbilixxu entità separata, għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni, ċerti rekwiżiti organizzattivi u rekwiżiti ta’ kapital u ta’ politika tal-investiment, imma għandhom jibqgħu soġġetti għar-rekwiżiti prudenzjali li jifdal għas-CSDs. Fejn tali entitajiet ta’ Stat Membru jaġixxu bħala CSDs, huma ma għandhomx jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra. Peress li l-membri tas-SEBĊ jaġixxu bħala aġenti tas-saldu għall-finijiet tas-saldu, dawn għandhom ikunu eżentati wkoll mir-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika għas-saldu ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti u l-attivitajiet finanzjarji kollha tas-CSDs sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan ir-Regolament għandu wkoll ikun mingħajr preġudizzju għal leġislazzjoni oħra tal-Unjoni li tikkonċerna strumenti finanzjarji speċifiċi bħad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-miżuri adottati f’konformità ma’ dik id-Direttiva.

(11)

Ir-reġistrar ta’ titoli f’format ta’ entrata fil-kotba huwa pass importanti sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-saldu u tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ ta’ titoli, b’mod partikolari f’kuntest ta’ kumplessità dejjem akbar fil-metodi taż-żamma u t-trasferiment. Għal raġunijiet ta’ sikurezza, dan ir-Regolament jipprevedi li jiġu rreġistrati f’format ta’ entrata fil-kotba tat-titoli trasferibbli kollha ammessi għan-negozju jew negozjati fiċ-ċentri ta’ negozjar regolati mid-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u mir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Dan ir-Regolament ma għandux jimponi metodu wieħed partikolari għar-reġistrazzjoni inizjali tal-entrata fil-kotba, li għandu jkun jista’ jieħu l-forma ta’ immobilizzazzjoni jew ta’ dematerjalizzazzjoni immedjata. Dan ir-Regolament ma għandux jimponi liema tip ta’ istituzzjoni għandha tirreġistra t-titoli f’format ta’ entrata fil-kotba meta jinħarġu, iżda għandu jippermetti lil atturi differenti, inklużi reġistraturi, sabiex iwettqu dik il-funzjoni. Madanakollu, ladarba transazzjonijiet f’titoli bħal dawn ikunu eżegwiti f’ċentri tan-negozjar regolati mid-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew jiġu pprovduti bħala kollateral skont il-kondizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew (9), dawn it-titoli għandhom jiġu rreġistrati f’sistema ta’ entrata fil-kotba ta’ CSD sabiex, fost oħrajn, jiġi żgurat li kull titolu bħal dawn ikun jista’ jiġi saldat f’sistema ta’ saldu tat-titoli. L-immobilizzazzjoni u d-dematerjalizzazzjoni ma għandhom jimplikaw l-ebda telf ta’ drittijiet għad-detenturi ta’ titoli u għandhom jinkisbu b’mod li jiżgura li d-detenturi ta’ titoli jistgħu jivverifikaw id-drittijiet tagħhom.

(12)

Sabiex tkun żgurata s-sikurezza tas-saldu, kull parteċipant f’sistema ta’ saldu tat-titoli li jixtri jew ibigħ ċerti strumenti finanzjarji, jiġifieri titoli trasferibbli, strumenti tas-suq monetarju, unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv u kwoti tal-emissjonijiet, għandu jsalda l-obbligu tiegħu fid-data prevista tas-saldu.

(13)

Perijodi ta’ saldi itwal għal transazzjonijiet f’titoli trasferibbli jikkawżaw inċertezza u riskju akbar għall-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli. Tulijiet ta’ żmien differenti għall-perijodi ta’ saldu fost l-Istati Membri jxekklu r-rikonċiljazzjoni u huma sorsi ta’ żbalji għall-emittenti, l-investituri u l-intermedjarji. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi pprovdut perijodu ta’ saldu komuni li jkun jiffaċilita l-identifikazzjoni tad-data prevista tas-saldu u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri dixxiplinarji tas-saldu. Id-data prevista tas-saldu tat-transazzjonijiet f’titoli trasferibbli li jiġu eżegwiti f’ċentri tan-negozjar regolati mid-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 ma għandhiex tkun aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara li jseħħ in-negozju. Għal operazzjonijiet kumplessi magħmula minn diversi transazzjonijiet bħalma huma r-riakkwisti tat-titoli jew il-ftehimiet ta’ self, dak ir-rekwiżit għandu japplika għall-ewwel transazzjoni li tinvolvi trasferiment ta’ titoli. Minħabba n-natura mhux standardizzata tagħhom, dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal transazzjonijiet li jiġu negozjati privatament mill-partijiet rilevanti, iżda jiġu eżegwiti fiċ-ċentri ta’ negozjar regolati midDirettiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew għal transazzjonijiet li jiġu eżegwiti bilateralment, iżda jiġu rrappurtati lil ċentru ta’ negozjar regolat mid-Direttiva 2014/65/UE u Regolament (UE) Nru 600/2014. Barra minn hekk, dak ir-rekwiżit għandu japplika għall-ewwel transazzjoni fejn it-titoli trasferibbli kkonċernati huma soġġetti għar-reġistrazzjoni inizjali f’format ta’ entrata fil-kotba.

(14)

Is-CSDs u l-infrastrutturi l-oħrajn tas-suq għandhom jieħdu miżuri sabiex jipprevjenu u jindirizzaw każijiet ta’ nuqqas ta’ saldu. Huwa importanti li dawn ir-regoli jkunu applikati b’mod uniformi u dirett fl-Unjoni. B’mod partikolari, is-CSDs u l-infrastrutturi l-oħrajn tas-suq għandhom ikunu meħtieġa li jimplimentaw proċeduri li jippermettulhom jieħdu l-miżuri adatti sabiex jissospendu lil kwalunkwe parteċipant li b’mod sistematiku jikkawża nuqqas ta’ saldu u li jippermettulhom ukoll jiddivulgaw l-identità tiegħu lill-pubbliku, dment li l-parteċipant jingħata l-opportunità jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu qabel ma tittieħed din id-deċiżjoni.

(15)

Wieħed mill-modi l-aktar effiċjenti biex jiġi indirizzat nuqqas ta’ saldu huwa li tesiġi li l-parteċipanti inadempjenti jkunu soġġetti għal infurzar obbligatorju tal-ftehim oriġinali. Dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli uniformi li jikkonċernaw penali u ċerti aspetti tat-transazzjonijiet ta’ xiri sfurzat għat-titoli trasferibbli, l-istrumenti tas-suq monetarju, l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv u l-kwoti tal-emissjonijiet kollha, bħaż-żmien u l-ipprezzar. Dawk ir-regoli għandhom jiġu adattati għall-ispeċifiċitajiet tas-swieq differenti tat-titoli, ċerti ċentri ta’ negozjar bħas-swieq tat-tkabbir tal-SMEs kif definiti fid-Direttiva 2014/65/UE u ċerti operazzjonijiet kumplessi bħal ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid jew ta’ self fuq perijodu qasir ħafna, sabiex jiġi evitat impatt ħażin fuq il-likwidità u l-effiċjenza tas-swieq tat-titoli. Ir-regoli dwar id-dixxiplina fir-rigward tas-saldu għandhom jiġu applikati b’mod li jipprovdu inċentiv għas-saldu tat-transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji rilevanti kollha sad-data prevista tas-saldu tagħhom.

(16)

Il-proċeduri u l-penali relatati ma’ nuqqas ta’ saldu għandhom ikunu proporzjonati għall-iskala u gravità ta’ tali fallimenti filwaqt li jkunu skalati b’tali mod li tinżamm u tiġi protetta l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji rilevanti. B’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq għandhom rwol kruċjali fil-provvista ta’ likwidità lis-swieq fi ħdan l-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ titoli anqas likwidi. Il-miżuri biex jipprevjenu u jindirizzaw nuqqas ta’ saldu għandhom jiġu bilanċjati meta mqabbla mal-ħtieġa li tinżamm u tiġi mħarsal-likwidità f’dawk it-titoli. Il-penali pekunjarji imposti fuq parteċipanti inadempjenti għandhom, fejn possibbli, jiġu akkreditati lill-klijenti li ma jonqsux fis-saldu bħala kumpens u ma għandhom fl-ebda każ isiru sors ta’ dħul għas-CSD kkonċernat. Is-CSDs għandhom jikkonsultaw l-infrastrutturi tas-suq li għalihom jipprovdu servizzi ta’ CSD dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri dixxiplinari tas-saldu stipulati f’dan ir-Regolament.

(17)

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għandu jinbeda proċess ta’ xiri sfurzat meta l-istrumenti finanzjarji ma jitwasslux fi żmien erbat ijiem ta’ xogħol mid-data prevista tas-saldu. Madankollu, għal strumenti finanzjarji mhux likwidi jixraq li l-perijodu qabel ma jinbeda l-proċess ta’ xiri sfurzat għandu jiżdied sa mhux aktar minn sebat ijiem ta’ xogħol. Il-bażi biex jiġi determinat meta l-istrumenti finanzjarji jitqiesu li mhumiex likwidi għandha tiġi stabbiliti permezz ta’ standards tekniċi regolatorji, b’kont meħud tal-valutazzjonijiet li diġà saru fir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Fejn issir tali determinazzjoni l-estensjoni tal-iskadenza biex jinbeda l-proċess ta’ xiri sfurzat ma għandhiex tkun aktar minn sebat ijiem ta’ xogħol.

(18)

Jixraq li s-swieq tal-SMEs li qed jespandu jkollhom il-flessibbiltà li ma japplikawx il-proċess ta’ xiri sfurzat għal perijodu sa mhux aktar minn 15-il jum wara li jkun seħħ in-negozju sabiex jittieħed kont tal-likwidità ta’ tali swieq u biex, b’mod partikolari, tkun tista’ ssir attività minn ġeneraturi tas-suq f’dawk is-swieq anqas likwidi. Il-miżuri dixxiplinari tas-saldu speċifiċi għas-swieq għat-tkabbir tal-SMEs għandhom japplikaw biss għal transazzjonijiet eżegwiti f’tali swieq. Kif ġie identifikat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Pjan ta’ azzjoni biex jitjieb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”, għandu jiġi żviluppat l-aċċess għas-swieq kapitali bħala alternattiva għas-self tal-banek lill-SMEs u għalhekk jixraq li r-regoli jiġu adattati biex jaqdu aħjar il-bżonnijiet ta’ dawk is-swieq tal-SMEs li qed jespandu.

(19)

CSD għandu jitħalla jwettaq monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat fir-rigward ta’ struzzjonijiet ta’ saldu multipli, fuq l-istess strumenti finanzjarji u bl-istess data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ estensjoni bil-għan li jiġi mminimizzat l-għadd ta’ xiri sfurzat sa livell kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Peress li l-għan ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa li jintroduċi għadd ta’ obbligi legali imposti direttament fuq l-operaturi tas-suq li, fost oħrajn, jikkonsistu fir-reġistrazzjoni f’format ta’ entrata fil-kotba f’CSD tat-titoli trasferibbli kollha ladarba dawn it-titoli jkunu negozjati f’ċentri tan-negozjar regolati mid-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 jew ipprovduti bħala kollateral skont il-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2002/47/KE u fis-saldu tal-obbligi tagħhom mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara li jseħħ in-negozju u peress li s-CSDs huma responsabbli mit-tħaddim tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli u mill-applikazzjoni ta’ miżuri sabiex jipprovdu saldu f’waqtu fl-Unjoni, huwa essenzjali li jiġi żgurat li s-CSDs kollha jkunu sikuri u sodi u f’kull ħin konformi ma’ rekwiżiti organizzazzjonali stretti, tal-kondotta tan-negozju u prudenzjali stipulati b’dan ir-Regolament, inkluż bit-teħid tal-passi kollha raġonevoli biex jitnaqqsu l-frodi u n-negliġenza. Għaldaqstant, regoli uniformi u direttament applikabbli rigward l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni kontinwa tas-CSDs huma konsegwenza essenzjali tal-obbligi legali imposti fuq il-parteċipanti fis-suq minn dan ir-Regolament, kif ukoll interrelatati magħhom. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġu inklużi regoli rigward l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs fl-istess att bħall-obbligi legali imposti fuq il-parteċipanti fis-suq.

(21)

B’kont meħud tal-fatt li s-CSDs għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti komuni u sabiex jiġu eliminati l-ostakoli eżistenti għas-saldu transkonfinali, kwalunkwe CSD awtorizzat għandu jgawdi l-libertà li jipprovdi s-servizzi ġewwa t-territorju tal-Unjoni, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa. Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ sikurezza fil-forniment ta’ servizzi minn CSDs fi Stat Membru ieħor, tali CSDs għandhom ikunu soġġetti għal proċedura speċifika stipulata f’dan ir-Regolament meta jkunu beħsiebhom jipprovdu ċerti servizzi ewlenin kif previst f’dan ir-Regolament jew jistabbilixxu fergħa fi Stat Membru ospitanti.

(22)

F’suq tas-saldu tal-Unjoni mingħajr fruntieri, hemm bżonn li jiġu stabbiliti l-kompetenzi tal-awtoritajiet differenti involuti fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinnominaw b’mod speċifiku l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji u investigattivi meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. CSD għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni u superviżjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, liema awtorità tkun f’pożizzjoni tajba u għandha tingħata s-setgħa teżamina kif is-CSDs joperaw ta’ kuljum, twettaq eżamijiet regolari u tieħu azzjoni adatta meta jkun meħtieġ.

Madanakollu, l-awtorità kompetenti kkonċernata għandha tikkonsulta fl-aktar stadju bikri ma’ awtoritajiet oħrajn rilevanti u tikkoopera magħhom, li jinkludu l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD, il-banek ċentrali li joħorġu l-muniti tas-saldu l-aktar rilevanti, fejn applikabbli, il-banek ċentrali rilevanti li jaġixxu bħala aġenti tas-saldu għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli, kif ukoll, fejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti ta’ entitajiet ta’ gruppi oħrajn. Tali kooperazzjoni timplika wkoll skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ikkonċernati u n-notifika immedjata ta’ dawk l-awtoritajiet f’każ ta’ sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jaffettwaw il-likwidità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fejn ikun stabbilit is-CSD jew fejn ikun stabbilit kwalunkwe wieħed mill-parteċipanti tiegħu.

(23)

Fejn CSD jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tkun tista’ titlob mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju kull informazzjoni rigward l-attivitajiet tas-CSD li huma ta’ rilevanza għall-awtorità rikjedenti. Sabiex ikun hemm koordinazzjoni effettiva tas-superviżjoni, dik l-informazzjoni tista’ tikkonċerna b’mod partikolari s-servizzi pprovduti lill-utenti tas-CSD stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti jew l-istrumenti jew il-muniti pproċessati u tista’ tinkludi informazzjoni dwar żviluppi avversi, riżultati ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u miżuri ta’ rimedju. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandu jkollu aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rrappurtata perjodikament mis-CSD lill-awtorità kompetenti tal-Istat Stat Membru ospitanti.

(24)

Fejn CSD jipprovdi s-servizzi tiegħu fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn hu stabbilit, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu tkun dik prinċipalment responsabbli għas-superviżjoni ta’ dak is-CSD. Meta l-attivitajiet ta’ CSD fi Stat Membru ospitanti jkunu saru ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni għas-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ dak is-CSD fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tkun tista’ wkoll tiddeċiedi li dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni jipprevedu kooperazzjoni multilaterali, inkluż kooperazzjoni ta’ natura kolleġjali, bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati. Tali arranġamenti ta’ kooperazzjoni, madankollu, ma għandhomx jiġu kkunsidrati kulleġġi ta’ superviżuri kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jiġi diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post ta’ servizzi tas-CSDs u ta’ saldu. Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament l-ebda awtorità ma għandha direttament jew indirettament tiddiskrimina kontra kwalunkwe impriża minn Stat Membru ieħor. Soġġett għal dan ir-Regolament, CSD minn wieħed mill-Istati Membri ma għandux ikun ristrett jew impedit milli jsalda strumenti finanzjarji fil-munita ta’ Stat Membru ieħor jew fil-munita ta’ pajjiż terz.

(25)

Dan ir-Regolament ma għandux iżomm l-Istati Membri milli jesiġu fil-liġi nazzjonali tagħhom qafas legali speċifiku għall-kooperazzjoni ta’ kuljum fil-livell nazzjonali bejn l-awtorità kompetenti tas-CSD u awtoritajiet rilevanti. Tali qafas legali nazzjonali għandu jkun konsistenti mal-linji gwidi dwar il-prattiki superviżorji u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet li l-ESMA tista’ toħroġ skont dan ir-Regolament.

(26)

Kwalunkwe persuna ġuridika li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ CSD teħtieġ li tkun awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali qabel ma tibda l-attivitajiet tagħha. B’kont meħud ta’ mudelli kummerċjali diversi, CSD għandu jiġi definit b’referenza għal ċerti servizzi ewlenin, li jikkonsistu f’saldu, li jimplika t-tħaddim ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli, servizzi notarili u ta’ manutenzjoni ċentrali tal-kontijiet tat-titoli. CSD għandu jkun iħaddem tal-anqas sistema waħda ta’ saldu tat-titoli u jipprovdi servizz ewlieni wieħed ieħor jew aktar. Din it-taħlita hija essenzjali biex is-CSDs iwettqu r-rwol tagħhom fis-saldu tat-titoli u fl-iżgurar tal-integrità tal-ħruġ tat-titoli. L-entitajiet li ma jħaddmux sistemi ta’ saldu tat-titoli bħal reġistraturi, aġenti tat-trasferiment, awtoritajiet, korpi pubbliċi responsabbli għal sistema ta’ reġistrazzjoni stabbiliti skont id-Direttiva 2003/87/KE CCPs li huma regolati mir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ CSD.

(27)

Is-CSDs għandu jkollhom fis-seħħ pjanijiet ta’ rkupru biex jiżguraw il-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tagħhom. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jiġi stabbilit u miżmum pjan ta’ riżoluzzjoni adegwat għal kull CSD f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti.

(28)

Sabiex tipprovdi data affidabbli dwar l-iskala ta’ saldu tat-titoli barra minn sistemi ta’ saldu tat-titoli u tiżgura li r-riskji li jirriżultaw jistgħu jiġu mmonitorjati u indirizzati, kwalunkwe istituzzjoni oħra minbarra s-CSDs li jissaldaw transazzjonijiet ta’ titoli barra sistema ta’ saldu ta’ titoli għandha tirrapporta l-attivitajiet ta’ saldu tagħha lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Sussegwentement, l-awtoritajiet kompetenti riċeventi għandhom jittrasmettu dik l-informazzjoni lill-ESMA u għandhom jinformaw lill-ESMA dwar kwalunkwe riskju potenzjali li jirriżulta minn tali attivitajiet ta’ saldu. Barra minn hekk, l-ESMA għandha twettaq monitoraġġ ta’ tali attivitajiet ta’ saldu u tikkunsidra r-riskji potenzjali li dawn jistgħu joħolqu.

(29)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-CSDs f’attivitajiet oħra li mhumiex dawk soġġetti għal awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament, l-attivitajiet tas-CSDs awtorizzati għandhom ikunu limitati għall-forniment ta’ servizzi koperti mill-awtorizzazzjoni tagħhom jew notifikati taħt dan ir-Regolament u ma għandu jkollhom l-ebda parteċipazzjoni, kif definit f’dan ir-Regolament b’referenza għad- Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jew kwalunkwe sjieda, diretta jew indiretta, ta’ 20 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital fi kwalunkwe istituzzjoni oħra li ma tipprovdix servizzi simili dment li tali parteċipazzjoni ma tkunx approvata mill-awtoritajiet kompetenti tas-CSDs abbażi tal-fatt li dan ma jżidx b’mod sinifikanti l-profil ta’ riskju tas-CSDs.

(30)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament sikur tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli, dawn għandhom jitħaddmu biss mis-CSDs jew mill-banek ċentrali li jaġixxu bħala CSDs soġġetti għal dan ir-Regolament.

(31)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti speċifiċi tal-liġi fiskali ta’ Stat Membru, is-CSDs għandhom ikunu awtorizzati jipprovdu servizzi anċillari għas-servizzi ewlenin tagħhom li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-swieq tat-titoli u li ma joħolqux riskji mhux dovuti għas-servizzi ewlenin tagħhom. Lista mhux eżawrjenti hija stipulata f’dan ir-Regolament sabiex is-CSDs ikunu jistgħu jirrispondu għal żviluppi futuri fis-suq. Meta l-forniment ta’ tali servizzi jirrigwarda l-obbligi ta’ taxxa minn ras il-għajn u ta’ rappurtar lill-awtoritajiet fiskali, dan ser jibqa’ jitwettaq skont il-liġi tal-Istati Membri konċernati. F’konformità mal-Artikolu 114(2) tat-TFUE, is-setgħa tal-adozzjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 114(1) ma tapplikax għad-dispożizzjonijiet fiskali. Fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ April 2004 fil-Kawża C-338/01, Kummissjoni v Kunsill (13), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kienet tal-fehma li l-kliem ‘dispożizzjonijiet fiskali’ għandhom jiġu interpretati bħala ‘li jkopru mhux biss id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw il-persuni taxxabbli, it-transazzjonijiet taxxabbli, il-bażi tal-impożizzjoni, u r-rati tat-taxxi diretti u indiretti u l-eżenzjonijiet minnhom, imma wkoll dawk relatati mal-arranġamenti għall-ġbir ta’ tali taxxi.” Għalhekk dan ir-Regolament ma jkoprix arranġamenti għall-ġbir tat-taxxi li għalihom ikun jeħtieġ li tintuża bażi legali differenti.

(32)

CSD li għandu l-intenzjoni li jesternalizza servizz ewlieni lil parti terza jew li jipprovdi servizz ewlieni jew anċillari ġdid mhux elenkat f’dan ir-Regolament, li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli oħra, li juża aġent ta’ saldu ieħor jew li jistabbilixxi kwalunkwe konnessjoni ma’ CSD li tinvolvi riskji sinifikanti, dan għandu japplika għall-awtorizzazzjoni billi jsegwi l-istess proċedura bħal dik meħtieġa għall-awtorizzazzjoni inizjali, ħlief li l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li qed japplika fi żmien tliet xhur dwar jekk l-awtorizzazzjoni tkunx ingħatat jew ġietx irrifjutata. Madankollu, konnessjonijiet tas-CSDs li ma jinvolvux riskji sinifikanti jew konnessjonijiet interoperabbli ta’ CSDs li jesternalizzaw is-servizzi tagħhom relatati ma’ dawk il-konnessjonijiet interoperabbli mal-entitajiet pubbliċi, bħalma huma l-membri tas-SEBĊ, ma għandhomx ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom mis-CSDs rilevanti.

(33)

Fejn CSD għandu l-intenzjoni li jestendi s-servizzi tiegħu għal servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju elenkati espliċitament f’dan ir-Regolament li ma jinvolvux żieda fil-profil tar-riskju tiegħu, għandu jkun kapaċi jagħmel dan wara li jkun innotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.

(34)

CSDs stabbiliti f’pajjiżi terzi għandhom ikunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa. Sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ sikurezza fil-forniment tas-servizzi tas-CSDs mis-CSDs ta’ pajjiżi terzi, tali CSDs għandhom ikunu soġġetti għal rikonoxximent mill-ESMA meta jkunu beħsiebhom jipprovdu ċerti servizzi elenkati f’dan ir-Regolament jew tistabbilixxu fergħa fl-Unjoni. CSDs minn pajjiżi terzi għandhom ikunu kapaċi jistabbilixxu konnessjonijiet ma’ CSDs stabbiliti fl-Unjoni fl-assenza ta’ tali rikonoxximent sakemm l-awtorità kompetenti rilevanti ma toġġezzjonax. Fid-dawl tan-natura globali tas-swieq finanzjarji, l-ESMA tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirrikonoxxi s-CSDs ta’ pajjiżi terzi. L-ESMA għandha tkun tista’ tirrikonoxxi lil CSDs ta’ pajjiżi terzi biss jekk il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li dawn huma soġġetti għal qafas legali u superviżorju effettivament ekwivalenti għal dak previst f’dan ir-Regolament, jekk huma effettivament awtorizzati, sorveljati u soġġetti għal sorveljanza fil-pajjiż tagħhom ta’ stabbiliment u jekk ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti tas-CSDs. Ir-rikonoxximent mill-ESMA għandu jkun soġġett għal rikonoxximent ekwivalenti effettiv tal-qafas prudenzjali applikabbli għas-CSDs stabbiliti fl-Unjoni u awtorizzat skont dan ir-Regolament.

(35)

B’kont meħud tal-kumplessità kif ukoll in-natura sistemika tas-CSDs u tas-servizzi li jipprovdu, regoli ta’ governanza trasparenti għandhom jiżguraw li l-maniġment superjuri, il-membri tal-korp maniġerjali, l-azzjonisti u l-parteċipanti, li huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw kontroll, kif definit b’referenza għad-Direttiva 2013/34/UE, fuq it-tħaddim tas-CSD huma adegwati sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.

(36)

Fl-Istati Membri jintużaw strutturi ta’ governanza diversi.Fil-maġġoranza tal-każijiet tintuża struttura ta’ bord unitarju jew doppju. Id-definizzjonijiet użati f’dan ir-Regolament għandhom il-ħsieb li jinkludu l-istrutturi kollha eżistenti mingħajr ma jippromwovu xi struttura partikolari. Huma purament funzjonali għall-fini tal-istabbiliment ta’ regoli mmirati għal eżitu partikolari irrispettivament mil-liġi nazzjonali tal-kumpanniji applikabbli għal istituzzjoni f’kull Stat Membru. Għalhekk id-definizzjonijiet ma għandhomx ifixklu l-allokazzjoni ġenerali tal-kompetenzi skont il-liġi nazzjonali tal-kumpanniji.

(37)

Ir-regoli ta’ governanza trasparenti għandhom jiżguraw li jittieħed kont tal-interessi tal-azzjonisti, il-maniġment u l-persunal tas-CSD minn naħa, u l-interessi tal-utenti tagħhom li fl-aħħar mill-aħħar is-CSDs qed jaqdu, min-naħa l-oħra. Dawk ir-regoli ta’ governanza għandhom japplikaw mingħajr ħsara għall-mudell ta’ sjieda adottat mis-CSD. Kumitati tal-utenti għandhom jiġu stabbiliti għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD sabiex jagħtu lill-utenti l-opportunità li jagħtu pariri lill-korp maniġerjali tas-CSD dwar il-kwistjonijiet ewlenin li jħallu impatt fuqhom u għandhom jingħataw l-għodod biex iwettqu r-rwol tagħhom. L-interessi tal-utenti differenti tas-CSDs, inklużi dawk tad-detenturi ta’ tipi differenti ta’ titoli, għandhom ikunu rappreżentati fil-kumitat tal-utenti.

(38)

Is-CSDs għandhom ikunu jistgħu jesternalizzaw l-operazzjoni tas-servizzi tagħhom dment li jiġu ġestiti r-riskji li jirriżultaw minn tali arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni. B’kont meħud tal-importanza tal-kompiti fdati lis-CSDs, dan ir-Regolament għandu jipprevedi li s-CSDs ma jittrasferixxux ir-responsabbiltajiet tagħhom fuq partijiet terzi permezz tal-esternalizzazzjoni b’kuntratt tal-attivitajiet tagħhom lil partijiet terzi. L-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet bħal dawn għandha tkun soġġetta għal kondizzjonijiet stretti li jħallu r-responsabbiltà tas-CSDs għall-attivitajiet tagħhom u jiżgura li ma jiġux imxekkla s-superviżjoni u s-sorveljanza tas-CSDs. F’ċerti kondizzjonijiet, l-esternalizzazzjoni minn CSD tal-attivitajiet tiegħu lil entitajiet pubbliċi tista’ tiġi eżentata minn dawn ir-rekwiżiti.

(39)

Dan ir-Regolament ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri li jippermettu sistemi ta’ żamma diretta tat-titoli milli jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li partijiet oħrajn minbarra s-CSDs għandhom jew jistgħu jwettqu ċerti funzjonijiet, li f’xi wħud minn tipi oħrajn ta’ sistemi ta’ żamma tat-titoli huma tipikament imwettqa minn CSDs, u jispeċifikaw kif dawk il-funzjonijiet għandhom jiġu eżerċitati. B’mod partikolari, f’xi wħud mill-Istati Membri operaturi tal-kont jew parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati minn CSDs jirreġistraw entrati f’kontijiet tat-titoli miżmuma minn CSD mingħajr ma neċessarjament ikunu fornituri ta’ kont huma stess. Minħabba l-ħtieġa ta’ ċertezza legali rigward l-entrati li jsiru fil-kontijiet fil-livell tas-CSDs, ir-rwol speċifiku mwettaq minn tali partijiet oħrajn għandu jiġi rikonoxxut minn dan ir-Regolament. Għandu għalhekk ikun possibbli, taħt ċirkostanzi speċifiċi u soġġett għal regoli stretti stabbiliti bil-liġi, li jew tiġi kondiviża r-responsabbiltà bejn CSD u l-parti l-oħra rilevanti jew li tiġi prevista responsabbiltà esklussiva minn dik il-parti l-oħra għal ċerti aspetti relatati maż-żamma ta’ kontijiet tat-titoli fl-ogħla grad dment li t-tali parti l-oħra tkun soġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni adatta. Ma għandu jkun hemm ebda restrizzjoni dwar sa liema punt għandha tiġi kondiviża r-responsabbiltà.

(40)

Ir-regoli tal-kondotta tan-negozju għandhom jipprovdu trasparenza fir-relazzjonijiet bejn is-CSDs u l-utenti tagħhom. B’mod partikolari, is-CSDs għandu jkollhom kriterji magħrufa b’mod pubbliku, trasparenti, oġġettivi u nondiskriminatorji għall-parteċipazzjoni fis-sistema ta’ saldu tat-titoli, li jkunu jippermettu li jiġi ristrett l-aċċess mill-parteċipanti abbażi tar-riskji involuti biss. Rimedju veloċi u adatt għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw kwalunkwe rifjut mhux ġustifikat tas-CSDs biex jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-parteċipanti. Is-CSDs għandhom jiddivulgaw b’mod pubbliku l-prezzijiet u t-tariffi għas-servizzi tagħhom. Sabiex jiġi pprovdut aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għas-servizzi tagħhom u fid-dawl tas-setgħa sinifikanti fis-suq li s-CSDs għad għandhom fit-territorju tal-Istati Membri rispettivi tagħhom, is-CSDs ma jistgħux ikunu jistgħu jitbiegħdu mill-politika ppubblikata ta’ pprezzar tagħhom għas-servizzi ewlenin tagħhom u għandhom iżommu kontijiet separati għall-ispejjeż u d-dħul marbuta ma’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tagħhom u mas-servizzi anċillari tagħhom. Dawk id-dispożizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni jakkumpanjaw u jirrinfurzaw id-dritt tal-parteċipanti fis-suq li jużaw sistema ta’ saldu fi Stat Membru ieħor previst fid-Direttiva 2014/65/UE.

(41)

Sabiex jiġu ffaċilitati r-reġistrazzjoni, is-saldu u l-ħlas effiċjenti, is-CSDs għandhom jakkomodaw fil-proċeduri tagħhom ta’ komunikazzjoni mal-parteċipanti u mal-infrastrutturi tas-suq li jikkollegaw magħhom, il-proċeduri u l-istandards miftuħa ta’ komunikazzjoni internazzjonali rilevanti għat-trasmissjoni tal-messaġġi u d-data ta’ referenza.

(42)

B’kont meħud tar-rwol ċentrali tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli fis-swieq finanzjarji, is-CSDs għandhom, meta jipprovdu s-servizzi tagħhom, jagħmlu l-aħjar sforzi li jistgħu sabiex jiżguraw li t-transazzjonijiet tas-saldu tat-titoli u l-integrità tal-ħruġ tat-titoli jsiru fi żmien adegwat. Dan ir-Regolament ma għandux ifixkel il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri li jirregolaw iż-żamma tat-titoli u l-arranġamenti li jsostnu l-integrità tal-ħruġ tat-titoli. Madankollu, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-assi tal-parteċipanti tagħhom u dawk tal-klijenti tagħhom, dan ir-Regolament għandu jesiġi lis-CSDs li jissegregaw il-kontijiet tat-titoli miżmuma għal kull parteċipant u joffru, kif mitluba, segregazzjoni ulterjuri tal-kontijiet tal-klijenti tal-parteċipanti li f’xi każijiet jistgħu jkunu disponibbli bi prezz ogħla biss li għandu jinġarr mill-klijenti tal-parteċipanti li qed jitolbu segregazzjoni ulterjuri. Is-CSDs u l-parteċipanti tagħhom għandhom ikunu meħtieġa li jipprevedu kemm segregazzjoni tal-klijenti omnibus kif ukoll segregazzjoni tal-klijenti individwali sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jagħżlu l-livell ta’ segregazzjoni li huma jaħsbu li jixraq għall-ħtiġijiet tagħhom.

L-unika esklużjoni minn dan għandu jkun fejn minħabba rekwiżiti oħra ta’ ordni pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġbir effiċjenti u trasparenti tat-tassazzjoni, CSD u l-parteċipanti tiegħu huma meħtieġa jipprovdu segregazzjoni tal-klijenti individwali għal ċittadini u residenti ta’ Stat Membru u persuni ġuridiċi stabbiliti fihfejn, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, tali segregazzjoni tal-klijenti individwali hija meħtieġa skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li taħtha huma kostitwiti t-titoli u esklużivament għaċ-ċittadini, ir-residenti ta’ dak l-Istat Membru u l-persuni ġuridiċi stabbiliti fih. Is-CSDs għandhom jiżguraw li dawk ir-rekwiżiti japplikaw b’mod separat għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minnhom. Mingħajr preġudizzju għall-forniment ta’ servizzi anċillari, is-CSDs ma għandhom jużaw f’isimhom l-ebda titoli li jappartjenu għal parteċipant sakemm dan ma jiġix awtorizzat espliċitament minn dak il-parteċipant u ma għandhomx jużaw mod ieħor f’isimhom it-titoli li mhumiex proprjetà tagħhom. Barra minn hekk is-CSD għandu jeħtieġ li l-parteċipanti jiksbu kwalunkwe kunsens meħtieġ a priori mill-klijenti tagħhom.

(43)

Id-Direttiva 98/26/KE tipprevedi li ordnijiet ta’ trasferimenti mdaħħla fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli f’konformità mar-regoli ta’ dawk is-sistemi għandhom ikunu infurzabbli u vinkolanti legalment fuq partijiet terzi. Madankollu, minħabba li d-Direttiva 98/26/KE ma tagħmilx referenza speċifika għal CSDs li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli, għaċ-ċarezza, dan ir-Regolament għandu jesiġi lis-CSDs jiddefinixxu l-mument jew il-mumenti meta l-ordnijiet ta’ trasferiment jiddaħħlu fis-sistemi tagħhom u jsiru irrevokabbli f’konformità mar-regoli ta’ dik id-Direttiva. Barra minn hekk, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali, is-CSDs għandhom jiddivulgaw lill-parteċipanti tagħhom il-mument meta t-trasferiment tat-titoli u tal-flus kontanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli huwa infurzabbli u vinkolanti legalment fuq partijiet terzi, f’konformità, skont il-każ, mal-liġi nazzjonali. Is-CSDs għandhom ukoll jieħdu l-passi raġonevoli kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li t-trasferimenti tat-titoli u tal-flus kontanti huma infurzabbli u vinkolanti legalment fuq partijiet terzi sa mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ xogħol tad-data reali tas-saldu.

(44)

Sabiex jiġu evitati r-riskji tas-saldu minħabba l-insolvenza tal-aġent tas-saldu, CSD għandu jsalda, meta din tkun prattikabbli u disponibbli, il-parti li tikkonsisti fi flus kontanti tat-transazzjoni tat-titoli permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ bank ċentrali. Jekk din l-għażla ma tkunx prattikabbli u disponibbli, CSD għandu jkun jista’ jsalda permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita skont il-kondizzjonijiet previsti fid-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u soġġetta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika u r-rekwiżiti prudenzjali previsti fit-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament.

(45)

Is-servizzi bankarji anċillari għas-saldu li jinvolvu riskji ta’ kreditu u likwidità għandhom jitwettqu biss minn CSDs jew esternalizzati lil entitajiet awtorizzati li jipprovdu s-servizzi bankarji anċillari għall-attivitajiet tas-CSDs kif stipulat f’dan ir-Regolament.

(46)

Sabiex jiġu żgurati l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-forniment ta’ servizzi kemm ta’ CSD kif ukoll bankarji fl-istess grupp ta’ impriżi, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jipprevjenu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu milli jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ impriżi bħas-CSD. Huwa adatt li jiġu previsti arranġamenti li permezz tagħhom CSDs jistgħu jiġu awtorizzati jipprovdu servizzi anċillari lill-parteċipanti tagħhom u lil entitajiet oħra mill-istess entità legali jew minn entità legali separata li tista’ tkun parti tal-istess grupp ta’ impriżi ultimament ikkontrollata jew le mill-istess impriża prinċipali. Fejn istituzzjoni tal-kreditu li mhijiex bank ċentrali taġixxi bħala aġent tas-saldu, l-istituzzjoni tal-kreditu għandha tkun kapaċi tipprovdi lill-parteċipanti tas-CSDs is-servizzi stabbiliti f’dan ir-Regolament, li huma koperti mill-awtorizzazzjoni, iżda ma għandhiex tipprovdi servizzi bankarji oħrajn mill-istess entità legali sabiex tillimita l-esponiment tas-sistema tas-saldu għar-riskji li jirriżultaw mill-falliment tal-istituzzjoni tal-kreditu.

(47)

Peress li d-Direttiva 2013/36/UE ma tindirizzax b’mod speċifiku riskji ta’ kreditu ta’ matul l-istess jum u ta’ likwidità li jirriżultaw mill-forniment ta’ servizzi bankarji anċillari għas-saldu, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-CSDs li jipprovdu tali servizzi għandhom ikunu soġġetti wkoll għal rekwiżiti speċifiċi msaħħa ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u ta’ likwidità, inkluż surcharge ta’ kapital ibbażat fuq ir-riskju li jirrifletti r-riskji rilevanti. Tali rekwiżiti msaħħa ta’ mitigazzjoni tar-riskju ta’ kreditu u ta’ likwidità għandhom isegwu l-istandards globali għall-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji u l-prinċipji għal ‘Monitoring tools for intraday liquidity management’ li ġew ippubblikati f’April 2013 mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja.

(48)

Xi CSDs li joperaw ukoll bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu huma soġġetti għar-rekwiżiti tal-fondi proprji u ta’ rappurtar rilevanti għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u stipulati fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u fid-Direttiva 2013/36/UE. Minħabba l-importanza sistemika ta’ tali CSDs, jixraq li għandhom japplikaw ir-rekwiżiti l-aktar stretti previsti fid-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi regoli tal-Unjoni, pereżempju fir-rigward tar-rappurtar tar-rekwiżiti tal-fondi proprji. Fi kwalunkwe qasam fejn tiġi identifikata d-duplikazzjoni potenzjali ta’ rekwiżiti, l-ESMA u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (l-“EBA”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u l-ESMA għandhom jagħtu opinjoni dwar l-applikazzjoni adatta tal-atti tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(49)

Minbarra r-rekwiżiti ta’ fondi proprji previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE, l-istituzzjonijiet tal-kreditu u s-CSDs għandhom ikunu soġġetti għal surcharge ta’ kapital li jirrifletti r-riskji, bħal riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità, li jirriżultaw mill-forniment ta’ kreditu ta’ matul l-istess jum lil, fost l-oħrajn, il-parteċipanti f’ sistema ta’ saldu tat-titoli jew utenti oħrajn ta’ servizzi tas-CSD.

(50)

Sabiex tiġi żgurata konformità sħiħa mal-miżuri speċifiċi mmirati lejn il-mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jitolbu lis-CSDs jinnominaw aktar minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda kull meta jkunu jistgħu juru, abbażi tal-evidenza disponibbli, li l-espożizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda għall-konċentrazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità mhijiex mitigata bis-sħiħ. Is-CSDs għandu jkollhom il-kapaċità li jinnominaw aktar minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda.

(51)

Is-superviżjoni tal-konformità ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu nominati jew CSDs awtorizzati li jipprovdu servizzi bankarji anċillari għas-saldu bir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u tad-Direttiva 2013/36/UE u r-rekwiżiti prudenzjali rilevanti speċifiċi ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fir-Regolament (UE) Nru 575/2013. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards ta’ superviżjoni, huwa mixtieq li s-servizzi bankarji tas-CSDs li huma ta’ skala u natura li jirrappreżentaw riskju sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni ssirilhom superviżjoni diretta mill- BĊEċ skont il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (17) fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(52)

Istituzzjoni ta’ kreditu jew CSD awtorizzata sabiex tipprovdi servizzi bankarji anċillari għas-saldu għandha tikkonforma ma’ kwalunkwe leġislazzjoni preżenti jew futura tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2014/59/UE u għal kwalunkwe att leġislattiv futur ieħor tal-Unjoni rigward il-qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, ditti tal-investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(53)

Sabiex jiġi pprovdut grad suffiċjenti ta’ sikurezza u kontinwità tas-servizzi pprovduti mis-CSDs, is-CSDs għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti prudenzjali u kapitali speċifiċi li huma uniformi u direttament applikabbli u li jimmitigaw ir-riskji legali, operazzjonali u tal-investimenti tagħhom.

(54)

Is-sikurezza tal-arranġamenti ta’ konnessjoni stabbiliti bejn is-CSDs għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti speċifiċi sabiex ikun jista’ jsir aċċess mill-parteċipanti rispettivi tagħhom għal sistemi ta’ saldu tat-titoli oħrajn. Il-forniment ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju minn ġewwa entità ġuridika separata ma għandux jipprevjeni lis-CSDs milli jirċievu tali servizzi, b’mod partikolari meta jkunu parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn CSD ieħor. Huwa partikolarment importanti li kwalunkwe riskju potenzjali li jirriżulta mill-arranġamenti ta’ konnessjoni bħal riskji ta’ kreditu, ta’ likwidità, dawk organizzazzjonali jew oħrajn rilevanti għas-CSDs jiġu mmitigati bis-sħiħ. Għall-konnessjonijiet interoperabbli, huwa importanti li sistemi konnessi tas-saldu tat-titoli ikollhom ħinijiet identiċi tal-entrata tal-ordnijiet ta’ trasferiment fis-sistema u l-irrevokabbiltà tali ordnijiet ta’ trasferiment u jużaw regoli ekwivalenti rigward il-mument ta’ finalità tat-trasferimenti tat-titoli u tal-flus kontanti. Għandhom ikunu japplikaw l-istess prinċipji għas-CSDs li jużaw l-stess infrastruttura ta’ teknoloġija tal-informazzjoni (IT) għas-saldu.

(55)

Sabiex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni effettiva tal-attivitajiet tas-CSDs, is-CSDs għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti stretti dwar iż-żamma ta’ rekords. Is-CSDs għandhom iżommu għal ta’ mill-anqas għaxar snin, ir-rekords u d-data kollha dwar is-servizzi kollha li huma jistgħu jipprovdu, inkluż data ta’ transazzjoni dwar servizzi ta’ ġestjoni ta’ kollateral li jinvolvu l-ipproċessar ta’ ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid jew self ta’ titoli. Jista’ jkun meħtiġ li s-CSDs jispeċifikaw format komuni li fih il-klijenti tagħhom jipprovdu data tat-transazzjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi sodisfatt dan ir-rekwiżit taż-żamma tar-rekords, f’konformità ma’ kwalunkwe standard tekniku regolatorju u ta’ implimentazzjoni rilevanti adottat skont dan ir-Regolament.

(56)

F’ħafna Stati Membri, l-emittenti huma meħtieġa bil-liġi nazzjonali li joħorġu ċerti tipi ta’ titoli, b’mod partikolari ishma, fis-CSDs nazzjonali tagħhom. Sabiex jitneħħa dan l-ostakolu għall-funzjonament bla xkiel tas-suq ta’ wara n-negozjar tal-Unjoni u sabiex l-emittenti jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar mezz effiċjenti sabiex jamministraw it-titoli tagħhom, l-emittenti għandu jkollhom id-dritt li jagħżlu kwalunkwe CSD stabbilit fl-Unjoni sabiex jirreġistraw t-titoli tagħhom u sabiex jirċievu kwalunkwe servizz rilevanti ta’ CSD. Peress li l-armonizzazzjoni tal-liġi korporattiva nazzjonali teċċedi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tali liġi korporattiva nazzjonali jew liġi simili li taħthom huma kkostitwiti t-titoli għandha tkompli japplika u għandhom isiru arranġamenti biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta’ tali liġi korporattiva nazzjonali jew liġijiet simili jistgħu jintlaħqu fejn jiġi eżerċitat id-dritt tal-għażla ta’ CSD.

Tali liġi korporattiva nazzjonali u liġi simili li skonthom jiġu kostitwiti t-titoli, jirregolaw ir-relazzjoni bejn l-emittent u d-detenturi tagħhom jew kwalunkwe parti terza, u d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom marbuta mat-titoli, bħad-drittijiet tal-vot, id-dividendi u l-azzjonijiet korporattivi. Rifjut tal-provvista ta’ servizzi lil emittent għandu jkun permess biss abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju komprensiva jew jekk dak is-CSD ma jipprovdix servizzi ta’ ħruġ relatati ma’ titoli kostitwiti skont il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru rilevanti. Rimedju rapidu u adatt għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw kull rifjut mhux ġustifikat tas-CSDs milli jipprovdu s-servizzi tagħhom lil emittenti.

(57)

Fid-dawl tal-għadd dejjem jiżdied ta’ investimenti u trasferimenti tat-titoli transkonfinali bħala riżultat ta’ dan ir-Regolament, hija kwistjoni tal-akbar urġenza u importanza li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar il-liġi applikabbli għall-aspetti proprjetarji b’relazzjoni mat-titoli miżmuma fil-kontijiet miżmuma mis-CSDs. Madankollu, din hija kwistjoni orizzontali li tmur lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tista’ tiġi ttrattata f’atti leġislattivi futuri tal-Unjoni.

(58)

Il-Kodiċi Ewropew tal-Kondotta għall-Ikklerjar u s-Saldu tas-7 ta’ Novembru 2006 ħolqot qafas volontarju sabiex ikun hemm aċċess bejn is-CSDs u infrastrutturi oħrajn tas-suq. Madanakollu, is-settur ta’ wara n-negozjar għadu frammentat skont linji nazzjonali, u dan iżid bla bżonn l-ispejjeż għan-negozjar transkonfinali. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-konnessjonijiet bejn is-CSDs u ta’ aċċess bejn is-CSDs u infrastrutturi oħrajn tas-suq. Sabiex is-CSDs ikunu jistgħu joffru aċċess għal swieq oħrajn lill-parteċipanti tagħhom, dawn għandu jkollhom id-dritt li jsiru parteċipant f’CSD ieħor jew li jitolbu lil CSD ieħor jiżviluppa funzjonijiet speċjali biex ikollhom aċċess għal dan tal-aħħar. Tali aċċess għandu jingħata abbażi ta’ termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji u għandu jiġi miċħud biss fejn jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku. Rimedju rapidu u adatt għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizzaw kwalunkwe rifjut mhux ġustifikat ta’ CSD milli jagħti aċċess lil CSD ieħor. Fejn il-konnessjonijiet tas-CSDs jintroduċu riskji sinifikanti għas-saldu, dawn għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u aktar superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

(59)

Is-CSDs għandu jkollhom aċċess anki għall-aġġornamenti dwar it-transazzjonijiet minn CCP jew ċentru tan-negozjar u dawk l-infrastrutturi tas-suq għandu jkollhom aċċess għas-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs. Tali aċċess jista’ jiġi miċħud biss fejn jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku u ma jistax jinċaħad għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq.

(60)

Rimedju rapidu u adatt għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jindirizza kwalunkwe rifjut mhux ġustifikat tas-CSDs jew infrastrutturi tas-suq milli jipprovdu aċċess għas-servizzi tagħhom. Dan ir-Regolament jikkompleta l-arranġamenti ta’ aċċess bejn ċentri ta’ negozjar, CCPs, u CSDs stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 li huma meħtieġa biex jiġi stabbilit suq intern kompetittiv fis-servizzi ta’ wara n-negozjar. L-ESMA u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jwettqu monitoraġġ mill-viċin l-evoluzzjoni tal-infrastruttura ta’ wara n-negozjar u l-Kummissjoni għandha, meta jkun meħtieġ, tintervjeni sabiex tipprevjeni li jseħħu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(61)

Qafas sod prudenzjali u għall-kondotta tan-negozju għas-settur finanzjarju għandu jkun ibbażat fuq reġimi ta’ superviżjoni u ta’ penali qawwijin. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jingħataw setgħat suffiċjenti sabiex jaġixxu u għandhom ikunu jistgħu jiddependu fuq reġimi ta’ penali deterrenti li għandhom jintużaw kontra kwalunkwe kondotta illegali. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 intitolata “Tisħiħ tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji”, twettqet analiżi tas-setgħat eżistenti biex jiġu imposti penali u l-applikazzjoni prattika tagħhom bil-għan li tippromwovi l-konverġenza tal-penali tul il-firxa tal-attivitajiuperviżorji.

(62)

Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata konformità effettiva mis-CSDs, mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati bħala aġenti tas-saldu, mill-membri tal-korpi maniġerjali tagħhom u minn kull persuna oħra li effettivament tikkontrolla n-negozju tagħhom jew kwalunkwe persuna oħra bir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu japplikaw penali amministrattivi u miżuri oħra li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(63)

Sabiex jiġu pprovduti d-deterrenza u l-applikazzjoni konsistenti tal-penali fl-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista ta’ penali amministrattivi u miżuri oħra li jeħtieġ li jkunu disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, għas-setgħa li jimponu dawk il-penali u miżuri oħra fuq il-persuni kollha, kemm jekk ġuridiċi jew inkella fiżiċi, responsabbli għal ksur, għal lista ta’ kriterji ewlenin meta jiġu determinati l-livell u t-tip ta’ dawk il-penali u miżuri oħra u għal livelli ta’ multi amministrattivi. Multi amministrattivi għandhom jieħdu kont ta’ fatturi bħal kwalunkwe benefiċċju finanzjarju identifikat li jirriżulta mill-ksur, il-gravità u d-dewmien tal-ksur, kwalunkwe fattur li jaggrava jew jimmitiga, il-ħtieġa li l-multi amministrattivi jkollhom effett deterrenti u, fejn adatt, l-inklużjoni ta’ skont għall-kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti. L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tal-penali għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), b’mod partikolari d-drittijiet tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7), id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (Artikolu 8) u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (Artikolu 47).

(64)

Sabiex jiġi identifikat ksur potenzjali, għandhom jiġu implimentati mekkaniżmi effettivi li jħeġġu r-rappurtar ta’ ksur potenzjali jew reali ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu salvagwardji adegwati għall-persuni li jirrappurtaw ksur potenzjali jew reali ta’ dan ir-Regolament u għall-persuni akkużati b’dan il-ksur. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri adatti sabiex ikun hemm konformità mad-dritt ta’ protezzjoni ta’ data personali tal-persuna akkużata, mad-dritt ta’ difiża u ta’ smigħ qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li taffettwa lil dik il-persuna kif ukoll mad-dritt ta’ li jintalab rimedju effettiv quddiem tribunal kontra kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li taffettwa lil dik il-persuna.

(65)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni fil-liġi tal-Istati Membri relatata mal-pieni kriminali.

(66)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) tirregola l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fl-Istati Membri skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandha sseħħ skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jirregola l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-ESMA skont dan ir-Regolament. Kwalunkwe skambju jew trasmissjoni ta’ data personali mwettqa mill-ESMA għandha ssir skont ir-regoli dwar it-trasferiment ta’ data personali kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(67)

Dan ir-Regolament huwa konformi mad-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata penali darbtejn għall-istess reat, u l-libertà ta’ impriża, u jrid jiġi applikat f’konformità ma’ dawn ir-regoli u l-prinċipji.

(68)

L-ESMA għandu jkollha rwol ċentrali fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi tiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tal-Unjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u billi ssib soluzzjonijiet f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejniethom.

(69)

L-ESMA għandha tippreżenta rapporti annwali lill-Kummissjoni li jivvalutaw ix-xejriet u r-riskji potenzjali fis-swieq koperti b’dan ir-Regolament. Dawk ir-Rapporti għandhom jinkludu mill-anqas valutazzjoni tal-effiċjenza tas-saldu, is-saldu internalizzat, il-provvista transkonfinali ta’ servizzi, ir-raġunijiet għar-rifjut tad-drittijiet ta’ aċċess u kwalunkwe ostakolu sostantiv ieħor għall-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji ta’ wara n-negozju inkluż kwalunkwe ostakolu li jirriżulta mill-użu mhux xieraq tal-arranġamenti tal-liċenżji, l-idoneità tal-penali għal nuqqas ta’ saldu, b’mod partikolari l-ħtieġa għal flessibbiltà addizzjonali fir-rigward tal-penali għal nuqqas ta’ saldu fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji mhux likwidi, l-applikazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili għat-telf attribwit lis-CSDs, il-kondizzjonijiet marbuta mal-provvista ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarju, ir-rekwiżiti rigward il-protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom, u s-sistema ta’ penali u jistgħu jinkludu, fejn meħtieġ, rakkomandazzjonijiet ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni jew ta’ rimedju. L-ESMA għandha twettaq ukoll evalwazzjonijiet bejn il-pari li jkopru l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti skont dan ir-Regolament f’perijodu ta’ żmien xieraq u f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. Minħabba l-importanza sistemika tas-CSDs u l-fatt li huma qegħdin jiġu regolati għall-ewwel darba fil-livell tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi meħtieġ li tali evalwazzjonijiet bejn il-pari għandhom iseħħu inizjalment kull tliet snin fir-rigward tas-superviżjoni tas-CSDs li jagħmlu użu mil-libertà tal-forniment ta’ servizzi jew li jipparteċipaw f’konnessjoni interoperabbli.

(70)

Bħala korp b’kompetenza esperta speċjalizzata ħafna fir-rigward tat-titoli u s-swieq tat-titoli, ikun effiċjenti u adatt li l-ESMA tiġi fdata bl-iżvilupp ta’ abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika, sabiex jiġu sottomessi lill-Kummissjoni. Fejn dan ikun speċifikat, l-ESMA għandha wkoll tikkoopera mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-ABE, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(71)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji skont l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tal-elementi dettaljati tal-miżuri dixxiplinarji tas-saldu; ir-rappurtar ta’ saldi internalizzati; l-informazzjoni u elementi oħrajn li jridu jiġu inklużi minn CSD fl-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni; il-kondizzjonijiet li skonthom l-awtoritajiet kompetenti tas-CSDs jistgħu japprovaw il-parteċipazzjonijiet tagħhom fil-kapital ta’ ċerti entitajiet legali, l-informazzjoni li l-awtoritajiet differenti għandhom jipprovdu lil xulxin meta jagħmlu superviżjoni tas-CSDs; l-informazzjoni li l-applikant tas-CSD għandu jipprovdi lill-ESMA fl-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent; l-elementi tal-arranġamenti tal-governanza għas-CSDs; id-dettalji tar-rekords li għandhom jinżammu mis-CSDs; ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti li jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ talbiet għal aċċess; l-elementi tal-proċedura għall-aċċess tal-parteċipanti u l-emittenti lis-CSDs, l-aċċess bejn is-CSDs u bejn CSDs u infrastrutturi oħrajn tas-suq; id-dettalji tal-miżuri li għandhom jittieħdu mis-CSDs sabiex tinżamm l-integrità tal-ħarġa; il-mitigazzjoni tar-riskji operazzjonali u tal-investiment u tar-riskji derivati mill-konnessjonijiet tas-CSDs; id-dettalji tar-rekwiżiti kapitali għas-CSDs; id-dettalji tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju; is- surcharge ta’ kapital u r-rekwiżiti prudenzjali għar-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità għas-CSDs u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati li huma awtorizzati li jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju.

(72)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa wkoll li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward ta’ formoli u mudelli standard għar-rappurtar dwar is-saldu internalizzat; għall-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni mis-CSDs; għall-forniment ta’ tagħrif bejn awtoritajiet kompetenti differenti għall-finijiet ta’ superviżjoni tas-CSDs; għall-arranġamenti rilevanti ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju u dawk ospitanti; għall-formati tar-rekords li għandhom jinżammu mis-CSDs; għall-formati tar-rekords li għandhom jinżammu mis-CSDs; għall-proċeduri f’każijiet fejn partiċipant jew emittenti jiġi miċħud l-aċċess għal CSD, CSDs huma miċħuda aċċess bejniethom jew bejn CSDs u infrastrutturi oħra tas-suq; u għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet differenti qabel ma tingħata awtorizzazzjoni lil aġent tas-saldu.

(73)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-dettalji speċifiċi li jirrigwardaw ċerti definizzjonijiet, il-parametri għall-kalkolu ta’ penali pekunjarji għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta’ saldu, l-kriterji li skonthom l-operazzjonijiet ta’ CSD fi Stat Membru ospitanti għandhom jitqiesu li huma ta’ importanza sostanzjali għal dak l-Istat Membru. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(74)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-regoli ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ rikonoxximent ta’ CSDs ta’ pajjiżi terzi. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20).

(75)

Meta jiġu valutati r-regoli rilevanti ta’ pajjiżi terzi, għandu jittieħed approċċ proporzjonat u bbażat fuq l-eżiti, li jiffoka fuq il-konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni u, fejn rilevanti, mal-istandards internazzjonali. Rikonoxximent kondizzjonali jew interim jista’ wkoll jingħata fejn ma jkun hemm ebda qasam li fih differenzi sostantivi li jistgħu jkollhom effetti negattivi prevedibbli fuq is-swieq tal-Unjoni.

(76)

Minħabba li l-għanijiet t ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri biex jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għas-saldu kif ukoll għas-CSDs, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala tal-azzjoni, iżda jistgħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jikseb dawk l-għanijiet.

(77)

Jeħtieġ li tiġi emendata d-Direttiva 98/26/KE sabiex tiġi konformi mad-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), fejn is-sistemi ta’ saldu tat-titoli nominati ma jibqgħux jiġu notifikati lill-Kummissjoni iżda lill-ESMA.

(78)

B’kont meħud tal-fatt li dan ir-Regolament jarmonizza fil-livell tal-Unjoni l-miżuri li jipprevjenu u jindirizzaw nuqqas ta’ saldu u għandu kamp ta’ applikazzjoni għal tali miżuri aktar wiesa’ minn dak tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), huwa meħtieġ li jiġi mħassar l-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament.

(79)

Is-CSDs għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 meta jipprovdu servizzi li huma elenkati espliċitament f’dan ir-Regolament. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe entità li tipprovdi servizzi u attivitajiet ta’ investiment tkun soġġetta għad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament Nru 600/2014 u sabiex jiġu evitati distorsjonijiet kompetittivi bejn it-tipi differenti ta’ fornituri ta’ tali servizzi, huwa meħtieġ li s-CSDs ikunu rekwiżiti li jipprovdu servizzi u attivitajiet ta’ investiment matul is-servizzi anċillari tagħhom li jkunu soġġetti għar-rekwiżiti tad-Direttiva Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(80)

L-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni u rikonoxximent ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi differita sabiex is-CSDs stabbiliti fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi jingħataw żmien biżżejjed sabiex japplikaw għall-awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent tal-attivitajiet tagħhom previsti f’dan ir-Regolament. Sakemm tittieħed deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent tas-CSDs u tal-attivitajiet tagħhom, inklużi l-konnessjonijiet tas-CSDs, ir-regoli nazzjonali rispettivi dwar l-awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent tas-CSDs għandhom jibqgħu japplikaw.

(81)

Huwa meħtieġ ukoll li tiġi differita l-applikazzjoni tar-rekwiżiti dwar id-dixxiplina fir-rigward tas-saldu u r-rekwiżiti dwar l-obbligu ta’ rapportar ta’ internalizzaturi tas-saldu sakemm jiġu stabbiliti l-atti delegati jew ta’ implimentazzjoni kollha meħtieġa biex jispeċifikaw tali rekwiżiti, u tar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ta’ ċerti titoli trasferibbli f’format ta’ entrata fil-kotba u s-saldu ta’ obbligi fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara n-negozjar sabiex il-parteċipanti fis-suq li għandhom titoli fuq il-karta jew li jużaw perijodi ta’ saldu itwal jingħataw biżżejjed żmien sabiex jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI, U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti uniformi għas-saldu ta’ strumenti finanzjarji fl-Unjoni u regoli dwar l-organizzazzjoni u l-kondotta tad-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) għall-promozzjoni ta’ saldu sikur, effiċjenti u mingħajr xkiel.

2.   Dan ir-Regolament japplika għas-saldu tal-istrumenti u l-attivitajiet finanzjarji kollha tas-CSDs sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jikkonċernaw strumenti finanzjarji speċifiċi, partikolarment id-Direttiva 2003/87/KE.

4.   L-Artikoli 10 sa 20, 22 sa 24 u 27, l-Artikolu 28(6), l-Artikolu 30(4) u l-Artikoli 46 u 47, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV u r-rekwiżiti għar-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet rilevanti jew li wieħed jikkonforma mal-ordnijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, ma japplikawx għall-membri tas-SEBĊ, għall-korpi nazzjonali ta’ Stati Membri oħrajn li jwettqu funzjonijiet simili, jew għall-korpi pubbliċi oħrajn ta’ Stati Membri li huma nkarigati bil-ġestjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fih fl-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe CSD direttament ġestita mill-korpi msemmija preċedentement taħt ir-responsabbiltà tal-istess korp maniġerjali, li għandu aċċess għall-fondi ta’ dawk il-korpi u li mhuwiex entità separata.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ jew ‘CSD’ tfisser persuna ġuridika li tħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli msemmija fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u tipprovdi tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;

(2)

‘CSD ta’ pajjiż terz’ tfisser kwalunkwe entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz li jipprovdi servizz simili għas-servizz ewlieni msemmi fil-punt (3) tat-Taqsima A tal-Anness u li twettaq tal-anqas servizz ewlieni ieħor elenkat fit-Taqsima A tal-Anness;

(3)

‘immobilizzazzjoni’ tfisser l-att li jikkonċentra l-post tat-titoli fiżiċi f’CSD b’mod li jippermetti trasferimenti sussegwenti permezz ta’ entrati fil-kotba;

(4)

‘forma dematerjalizzata’ tfisser il-fatt li strumenti finanzjarji jeżistu biss bħala rekords ta’ entrati fil-kotba;

(5)

‘is-CSD li jirċievi t-talba’ tfisser is-CSD li jirċievi t-talba ta’ CSD ieħor, sabiex ikollu aċċess għas-servizzi tiegħu permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(6)

‘CSD li jagħmel it-talba’ tfisser is-CSD li jitlob aċċess għas-servizzi ta’ CSD ieħor permezz ta’ konnessjoni ta’ CSD;

(7)

‘saldu’ tfisser it-tlestija ta’ transazzjoni ta’ titoli fejn tiġi konkluża bil-għan li jitwettqu l-obbligi tal-partijiet għal dik it-transazzjoni permezz tat-trasferiment ta’ flus kontanti jew titoli, jew it-tnejn;

(8)

‘strumenti finanzjarji’ jew ‘titoli’ tfisser strumenti finanzjarji kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

(9)

‘ordni ta’ trasferiment’ tfisser ordni ta’ trasferiment kif definit fit-tieni inċiż tal-punt (i) jew l-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(10)

‘sistema ta’ saldu tat-titoli’ tfisser sistema skont l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE li mhijiex imħaddma minn kontroparti ċentrali li l-attività tagħha tikkonsisti fl-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet ta’ trasferiment;

(11)

‘internalizzatur tas-saldu’ tfisser kwalunkwe istituzzjoni, inkluża waħda awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE jew mad-Direttiva 2014/65/UE li teżegwixxi ordnijiet tat-trasferimenti f’isem il-klijenti jew f’isimha minbarra permezz ta’ sistema tas-saldu tat-titoli;

(12)

‘data prevista tas-saldu’ tfisser id-data li tiġi entrata fis-sistema ta’ saldu tat-titoli bħala d-data tas-saldu u li fiha l-partijiet għal transazzjoni ta’ titoli jaqblu li ser isir is-saldu;

(13)

‘perijodu ta’ saldu’ tfisser il-perijodu ta’ żmien bejn id-data tan-negozjar u d-data prevista tas-saldu;

(14)

‘jum ta’ xogħol’ tfisser jum ta’ xogħol kif definit fil-punt (n) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(15)

’ nuqqas ta’ saldu’ tfisser li s-saldu jew s-saldu parzjali ta’ transazzjoni ta’ titoli ma jseħħx fid-data prevista tas-saldu minħabba nuqqas ta’ titoli jew flus kontanti u irrilevanti mill-kawża sottostanti;

(16)

‘kontroparti ċentrali’ jew’ CCP ’ tfisser CCP kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(17)

‘awtorità kompetenti’ tfisser l-awtorità nominata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 11, dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan ir-Regolament;

(18)

‘awtorità rilevanti’ tfisser kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 12;

(19)

‘parteċipant’ tfisser kwalunkwe parteċipant, kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(20)

‘parteċipazzjoni’ tfisser parteċipazzjoni skont it-tifsira tal-ewwel sentenza tal-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE, jew is-sjieda, diretta jew indiretta, ta’ 20 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża;

(21)

‘kontroll’ tfisser ir-relazzjoni bejn żewġ impriżi kif deskritt fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(22)

‘sussidjarja’ tfisser impriża sussidjarja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10) u tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/34/UE;

(23)

‘Stat Membru tad-domiċilju’ tfisser l-Istat Membru li fih ikun stabbilit CSD;

(24)

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru, li mhuwiex l-Istat Membru tad-domiċilju, li fih CSD ikollu fergħa jew jipprovdi servizzi ta’ CSD;

(25)

‘fergħa’ tfisser post tan-negozju li mhijiex l-uffiċċju prinċipali li huwa parti minn CSD, li ma għandux personalità ġuridika u li jipprovdi servizzi ta’ CSD li għalihom ġie awtorizzat is-CSD;

(26)

‘inadempjenza, fir-rigward ta’ parteċipant’ tfisser sitwazzjoni fejn jinfetħu proċeduri ta’ insolvenza, kif definiti fil-punt (j) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE, kontra parteċipant;

(27)

‘kunsenja kontra ħlas’ (jew ‘DVP - Delivery Versus Payment’) tfisser mekkaniżmu ta’ saldu tat-titoli li jorbot trasferiment ta’ titoli ma’ trasferiment ta’ flus kontanti b’mod li l-kunsenja ta’ titoli sseħħ jekk u biss jekk iseħħ it-trasferiment ta’ flus kontanti korrispondenti u viċeversa;

(28)

‘kont ta’ titoli’ tfisser kont li fih it-titoli jistgħu jiġu kkreditati jew iddebitati;

(29)

‘konnessjoni ma’ CSD’ tfisser arranġament bejn CSDs fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor sabiex jiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli mingħand il-parteċipanti tas-CSD tal-aħħar għal għand il-parteċipanti tas-CSD ta’ qabel jew arranġament li permezz tiegħu CSD jaċċessa CSD ieħor indirettament permezz ta’ intermedjarju. Il-konnessjonijiet tas-CSDs jinkludu konnessjonijiet standard, konnessjonijiet personalizzati, konnessjonijiet indiretti, u konnessjonijiet interoperabbli;

(30)

‘konnessjoni standard’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn CSD isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor taħt l-istess termini u kondizzjonijiet applikabbli lil kwalunkwe parteċipant ieħor fis-sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn dan tal-aħħar;

(31)

‘konnessjoni personalizzata’ tfisser konnessjoni fejn CSD li isir parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor jiġi mogħti servizzi speċifiċi addizzjonali lis-servizzi mogħtija normalment minn dak is-CSD lil parteċipanti fis-sistema ta’ saldu tat-titoli;

(32)

‘konnessjoni indiretta’ tfisser arranġament bejn CSD u parti terza li ma tkunx CSD, li hija parteċipant fis-sistema ta’ saldu tat-titoli ta’ CSD ieħor. Tali konnessjoni hija stabbilita minn CSD sabiex tiffaċilita t-trasferiment ta’ titoli lill-parteċipanti tiegħu mingħand il-parteċipanti ta’ CSD ieħor;

(33)

‘konnessjoni interoperabbli’ tfisser konnessjoni ta’ CSD fejn is-CSDs jaqblu li jistabbilixxu soluzzjonijiet tekniċi reċiproċi għas-saldu fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li huma jħaddmu;

(34)

‘proċeduri u standards miftuħa ta’ komunikazzjoni internazzjonali’ tfisser standards aċċettati internazzjonalment għal proċeduri ta’ komunikazzjoni, bħal formats standardizzati biex jintbagħtu l-messaġġi u rappreżentazzjoni tad-data, li huma disponibbli fuq bażi ġusta, miftuħa u nondiskriminatorja lil kwalunkwe parti interessata;

(35)

‘titoli trasferibbli’ tfisser titoli trasferibbli kif definit fil-punt (44) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(36)

‘ishma’ tfisser titoli speċifikati fil-punt (44)(a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(37)

‘strumenti tas-suq monetarju’ tfisser strumenti tas-suq monetarju kif definiti fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(38)

‘l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv’ tfisser l-unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv kif imsemmija fil-punt (3) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE;

(39)

‘kwota tal-emissjonijiet’ tfisser kwalunkwe kwota tal-emissjonijiet kif deskritt fil-punt (11) tat-Taqsima C tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, minbarra d-derivattivi fil-kwoti tal-emissjonijiet;

(40)

‘suq regolat’ tfisser ‘suq regolat’ kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(41)

‘faċilità multilaterali tan-negozjar’ jew ‘MTF’ tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar kif definita fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(42)

‘ċentru ta’ negozjar’ tfisser ċentru tan-negozjar kif definit fil-punt (24) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(43)

‘aġent tas-saldu’ tfisser aġent tas-saldu kif definit fil-punt (d) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE;

(44)

‘suq tal-SMEs li qed jespandi’ tfisser suq tal-SMEs li qed jespandi’ kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(45)

‘korp maniġerjali’ tfisser il-korp jew korpi ta’ CSD, maħtur skont il-liġi nazzjonali, li jingħata s-setgħa li jistabbilixxi l-istrateġija, l-objettivi u d-direzzjoni ġenerali tas-CSD, u li jissorvelja u jimmonitorja t-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali. Dan għandu jinkludi persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tas-CSD.

Fejn, skont il-liġi nazzjonali, korp maniġerjali ikun magħmul minn korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi, ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għal membri tal-korp maniġerjali li l-liġi nazzjonali applikabbli tassenjalhom ir-responsabbiltà rispettiva;

(46)

‘maniġment superjuri’ tfisser dawk il-persuni fiżiċi li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi fi ħdan CSD u li jkunu responsabbli u jwieġbu lill-korp maniġerjali għall-ġestjoni ta’ kuljum ta’ dak is-CSD.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 67 fir-rigward ta’ miżuri li jispeċifikaw aktar is-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju stabbiliti fil-punti (1) sa (4) tat-Taqsima B tal-Anness u s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness.

TITOLU II

SALDU TAT-TITOLI

KAPITOLU I

Format ta’ entrata fil-kotba

Artikolu 3

Format ta’ entrata fil-kotba

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, kwalunkwe emittent stabbilit fl-Unjoni li joħroġ jew li ħareġ titoli trasferibbli li huma ammessi għan-negozjar jew innegozjati f’ċentri ta’ negozjar, għandhom jirranġaw biex tali titoli jiġu rrappreżentati f’format ta’ entrata fil-kotba bħala immobilizzazzjoni jew sussegwenti għal ħruġ dirett f’forma dematerjalizzata.

2.   Meta sseħħ transazzjoni f’titoli trasferibbli f’ċentru ta’ negozjar, it-titoli rilevanti għandhom jiġu rreġistrati f’format ta’ entrata fil-kotba f’CSD fid-data jew qabel id-data prevista tas-saldu, dment li ma jkunux diġà ġew irreġistrati b’dan il-mod.

Meta t-titoli trasferibbli jkunu trasferiti wara arranġament ta’ kollateral finanzjarju kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE, dawk it-titoli għandhom jiġu rreġistrati f’format ta’ entrata fil-kotba f’CSD fi jew qabel id-data maħsuba tas-saldu, sakemm ma jkunux diġà ġew irreġistrati b’dan il-mod.

Artikolu 4

Infurzar

1.   L-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-emittent li joħroġ it-titoli għandhom jiżguraw li jiġi applikat l-Artikolu 3(1).

2.   L-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri ta’ negozjar, inklużi l-awtoritajiet kompetenti nominati f’konformità mal-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23), għandhom jiżguraw li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament huwa applikat fejn it-titoli msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament huma negozjati fiċ-ċentri ta’ negozjar.

3.   L-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/47/KE għandhom jiżguraw li jiġi applikat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament fejn it-titoli msemmija fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament jiġu trasferiti wara arranġament ta’ kollateral finanzjarju kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE.

KAPITOLU II

Perijodi ta’ Saldu

Artikolu 5

Data prevista tas-saldu

1.   Kwalunkwe parteċipant f’sistema ta’ saldu tat-titoli li jsalda f’dik is-sistema f’ismu jew f’isem parti terza transazzjonijiet f’titoli trasferibbli, strumenti tas-suq monetarju, unitajiet f’impriżi ta’ investiment kollettiv u kwoti tal-emissjonijiet għandu jsalda t-tali transazzjonijiet fid-data prevista tas-saldu maħsuba.

2.   Fir-rigward ta’ transazzjonijiet f’titoli trasferibbli msemmija fil-paragrafu 1, li huma eżegwiti f’ċentri tan-negozjar, id-data prevista tas-saldu ma għandhiex tkun aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara li jkun seħħ in-negozju. Dak ir-rekwiżit ma għandux japplika għal transazzjonijiet li huma negozjati privatament iżda jiġu eżegwiti f’ċentri ta’ negozjar, għal transazzjonijiet li jiġu eżegwiti bilateralment iżda jiġu rrappurtati lil ċentru ta’ negozjar jew għall-ewwel transazzjoni fejn it-titoli trasferibbli kkonċernati huma soġġetti għar-reġistrazzjoni inizjali f’format ta’ entrata fil-kotba skont l-Artikolu 3(2).

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tal-paragrafu 1.

L-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tal-paragrafu 2.

KAPITOLU III

Dixxiplina fir-rigward tas-saldu

Artikolu 6

Miżuri għall-prevenzjoni ta’ nuqqas ta’ saldu

1.   Iċ-ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettu l-konferma ta’ dettalji rilevanti ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data meta t-transazzjoni tkun ġiet esegwita.

2.   Minkejja r-rekwiżit stipulati fil-paragrafu 1, id-ditti ta’ investiment awtorizzati skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom, fejn applikabbli, jieħdu miżuri biex jillimitaw l-għadd ta’ nuqqas ta’ saldu.

Miżuri bħal dawn għandhom tal-inqas jikkonsistu minn arranġamenti bejn id-ditta ta’ investiment u l-klijenti professjonali tagħha kif imsemmi fl-Anness II għad-Direttiva 2014/65/UE sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni f’waqtha tal-allokazzjoni ta’ titoli, konferma ta’ dik l-allokazzjoni u konferma tal-aċċettazzjoni jew ir-rifjut tat-termini fi żmien tajjeb qabel id-data prevista tas-saldu.

L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 dwar il-proċeduri standardizzati u l-protokolli għat-trasmissjoni ta’ messaġġi li għandhom jintużaw għall-konformità mat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data prevista tas-saldubi skopertura minima tal-parteċipanti tagħhom għar-riskji tal-kontroparti u tal-likwidità u rata baxxa ta’ nuqqas ta’ saldu. Huwa għandu jippromwovi s-saldu bikri fid-data prevista tas-saldu permezz ta’ mekkaniżmi adatti.

4.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi miżuri biex iħeġġeġ u joħloq inċentiv għal saldu f’waqtu tat-transazzjonijiet mill-parteċipanti tiegħu. Is-CSDs għandhom jesiġu lill-parteċipanti jsaldu t-transazzjonijiet tagħhom fid-data prevista tas-saldu.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu mid-ditti ta’ investiment f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, id-dettalji tal-proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu msemmi fil-paragrafu 3 u d-dettalji tal-miżuri li jħeġġu u joħolqu inċentiv għal saldu f’waqtu tat-transazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 7

Miżuri li jindirizzaw nuqqas ta’ saldu

1.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi sistema li timmonitorja n-nuqqas ta’ saldu tat-transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1). Huwa għandu jipprovdi rapporti regolari lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti, fir-rigward tal-għadd u d-dettalji tan-nuqqas ta’ saldu u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, inkluż il-miżuri previsti mis-CSDs u l-parteċipanti tagħhom sabiex itejbu l-effiċjenza tas-saldi. Dawk ir-rapporti, għandhom isiru pubbliċi mis-CSDs f’forma aggregata u anonima fuq bażi annwali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkondividu mal-ESMA kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar nuqqas ta’ saldu.

2.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jistabbilixxi proċeduri li jiffaċilitaw is-saldu ta’ transazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li mhumiex saldati fid-data prevista tas-saldu. Dawn il-proċeduri għandhom jipprevedu mekkaniżmu ta’ penali li għandu jservi bħala deterrent effettiv għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta’ saldu.

Qabel ma jistabbilixxi l-proċeduri msemmija fl-ewwel subparagrafu, CSD għandu jikkonsulta liċ-ċentri ta’ negozjar u lis-CCPs rilevanti li lilhom jipprovdi servizzi ta’ saldu.

Il- mekkaniżmu ta’ penali msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jinkludi penali pekunjarji għall-parteċipanti li jikkawżaw nuqqas ta’ saldu (‘parteċipanti inadempjenti’). Il-penali pekunjarji għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi ta’ kuljum għal kull jum ta’ negozju li transazzjoni tonqos milli tissalda wara d-data prevista tas-saldu sat-tmiem tal-proċess ta’ xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafu 3, iżda mhux aktar mill-jum tas-saldu nnifsu. Il-penali pekunjarji ma għandhomx jiġu kkonfigurati bħala sors ta’ dħul għas-CSD.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta’ penali pekunjarji msemmi fil-paragrafu 2 u d-dritt li transazzjoni tiġi kkanċellata b’mod bilaterali, meta parteċipant inadempjenti ma jwassalx l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) lill-parteċipant li jirċievi fi żmien 4 ijiem ta’ xogħol wara d-data prevista tas-saldu (‘perijodu ta’ estensjoni’) għandu jiġi inizjat il-proċess ta’ xiri sfurzat fejn dawk l-istrumenti għandhom ikunu disponsibbli għas-saldu u mwassla lill-parteċipant li jirċievi f’limitu ta’ żmien adatt.

Fejn it-transazzjoni tirrigwarda strument finanzjarju nnegozjat f’suq tal-SMEs li qed jespandi, il-perijodu tal-estensjoni għandu jkun 15-il jum dment li s-suq tal-SMEs li qed jespandi ma jiddeċidix li japplika perijodu iqsar.

4.   Għandhom japplikaw l-eżenzjonijiet li ġejjin mir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 3:

(a)

abbażi tat-tip ta’ assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji kkonċernati, il-perijodu tal-estensjoni jista’ jiżdied minn erbat ijiem ta’ xogħol għal mhux aktar minn sebat ijiem ta’ xogħol fejn perijodu ta’ estensjoni iqsar ikun jaffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati;

(b)

għal operazzjonijiet magħmulin minn diversi transazzjonijiet inklużi ftehimiet dwar ix-xiri mill-ġdid jew is-self ta’ titoli, il-proċess ta’ xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafu 3 ma għandux japplika fejn il-perijodu ta’ żmien ta’ dawk l-operazzjonijiet ikun qasir biżżejjed u għalhekk il-proċess ta’ xiri sfurzat ikun ineffettiv.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ma għandhomx japplikaw fir-rigward ta’ transazzjonijiet għal ishma fejn dawk it-transazzjonijiet ikunu kklerjati minn CCP.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmu ta’ penali pekunarji msemmi fil-paragrafu 2, meta l-prezz tal-ishma maqbul fil-mument tan-negozju huwa ogħla mill-prezz imħallas għall-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat, id-differenza korrispondenti għandha titħallas lill-parteċipant li jirċievi mill-parteċipant inadempjenti sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara t-twassil tal-istrumenti finanzjarji b’segwitu tax-xiri sfurzat.

7.   Jekk ix-xiri sfurzat ifalli jew ma jkunx possibbli, il-parteċipant li jirċievi jista’ jagħżel li jitħallas kumpens fi flus kontanti jew li jiddifferixxi l-eżekuzzjoni tax-xiri sfurzat għal data adatta aktar tard (‘perijodu ta’ differiment’). Jekk l-istrumenti finanzjarji rilevanti ma jitwasslux lill-parteċipant li jirċievi fi tmiem il-perijodu ta’ differiment, għandu jitħallas il-kumpens fi flus kontanti.

Il-kumpens fi flus kontanti għandu jitħallas lill-parteċipant li jirċievi sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara t-tmiem jew tal-proċess ta’ xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafu 3 jew tal-perijodu tad-differiment, fejn ikun intgħażel il-perijodu ta’ differiment.

8.   Il-parteċipant inadempjenti għandu jirrimborża l-entità li teżegwixxi x-xiri sfurzat għall-ammonti kollha mħallsa skont il-paragrafi 3, 4 u 5, inkluż kwalunkwe imposta ta’ eżekuzzjoni li rriżultat mix-xiri sfurzat. Tali imposti għandhom ikunu ddivulgati b’mod ċar lill-parteċipanti.

9.   CSDs, CCPs u ċentri tan-negozjar għandhom jistabbilixxu proċeduri li jippermettulhom, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom, jissospendu kwalunkwe parteċipant li jfalli b’mod konsistenti u sistematiku biex iwassal l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) fid-data prevista tas-saldu u jiddivulgaw lill-pubbliku l-identità tiegħu biss wara li l-parteċipant jingħata l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u sakemm l-awtoritajiet kompetenti tas-CSDs, is-CCPs u ċ-ċentri tan-negozjar, u dawk ta’ dak il-parteċipant kienu debitament informati. Minbarra li jikkonsultaw qabel kwalunkwe sospensjoni, CSDs, CCPs u ċentri tan-negozjar, għandhom jinnotifikaw, mingħajr ebda dewmien, is-sospensjoni ta’ parteċipant lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi. L-awtorità kompetenti għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet rilevanti dwar is-sospensjoni ta’ parteċipant.

Id-divulgazzjoni pubblika ta’ sospensjonijiet ma għandhiex tinkludi data personali skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

10.   Il-paragrafi 2 sa 9 għandhom japplikaw għat-transazzjonijiet kollha tal-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 5(1) li huma ammessi għan-negozjar jew huma nnegozjati f’ċentru tan-negozjar jew ikklerjati minn CCP kif ġej:

(a)

Għal transazzjonijiet ikklerjati minn CCP, is-CCP għandu jkun l-entità li tesegwixxi x-xiri sfurzat skont il-paragrafi 3 sa 8.

(b)

Għal transazzjonijiet mhux ikklerjati minn CCP iżda esegwiti f’ċentru tan-negozjar, iċ-ċentru tan-negozjar għandu jinkludi fir-regoli interni tiegħu obbligu għall-membri tiegħu u l-parteċipanti tiegħu sabiex japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 sa 8.

(c)

Għat-transazzjonijiet l-oħra kollha li mhumiex imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan is-sub-paragrafu, is-CSDs għandhom jinkludu fir-regoli interni tagħhom obbligu għall-parteċipanti tagħhom sabiex dawn ikunu soġġetti għall-miżuri msemmija fil-paragrafi 3 sa 8.

CSD għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu lis-CCPs u liċ-ċentri tan-negozjar sabiex dawn jkunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-paragrafu.

Mingħajr preġudizzju għall-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, is-CSDs jistgħu jimmonitorjaw l-eżekuzzjoni tax-xirjiet sfurzati msemmija f’dawk il-punti fir-rigward ta’ struzzjonijiet ta’ saldu multipli, fuq l-istess strumenti finanzjarji u bl-istess data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ eżekuzzjoni, bil-għan li jnaqqsu l-għadd ta’ xirjiet sfurzati li għandhom jiġu esegwiti u għaldaqstant l-impatt fuq il-prezzijiet tal-istrumenti finanzjarji rilevanti.

11.   Il-paragrafi 2 sa 9 ma għandhomx japplikaw għal parteċipanti inadempjenti li huma CCPs.

12.   Il-paragrafi 2 sa 9 ma għandhomx japplikaw jekk jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra l-parteċipant inadempjenti.

13.   Dan l-Artikolu ma japplikax fejn il-post prinċipali tan-negozjar tal-ishma jkun jinsab f’pajjiż terz. Il-lok tal-post prinċipali għan-negozjar tal-ishma għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament UE Nru 236/2012.

14.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 67 sabiex tispeċifika parametri għall-kalkolu ta’ deterrent u livell proporzjonat tal-penali pekunjarji msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 abbażi tat-tip tal-assi u tal-likwidità tal-istrument finanzjarju u t-tip ta’ transazzjoni li għandhom jiżguraw livell għoli ta’ dixxiplina fir-rigward tas-saldu u l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji kkonċernati.

15.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika:

(a)

id-dettalji tas-sistema li timmonitorja nuqqas ta’ saldu u r-rapporti dwar nuqqas ta’ saldu msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

il-proċessi għall-ġbir u d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-penali pekunjarji u kwalunkwe rikavat ieħor possibbli minn tali penali skont il-paragrafu 2;

(c)

id-dettalji tal-operazzjoni tal-proċess tax-xiri sfurzat adatt imsemmi fil-paragrafi 3 sa 8, inklużi l-perijodi ta’ żmien adatti għat-twassil tal-istrument finanzjarju wara l-proċess tax-xiri sfurzat imsemmi fil-paragrafu 3. Dawn il-perijodi ta’ żmien għandhom jiġu kalibrati b’kont meħud tat-tip ta’ assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji;

(d)

iċ-ċirkostanzi li fihom il-perijodu tal-estensjoni jista’ jittawwal skont it-tip ta’ assi u l-likwidità tal-istrumenti finanzjarji, f’konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 4 b’kont meħud tal-kriterji għall-valutazzjoni tal-likwidità skont il-punt (17) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014;

(e)

it-tip ta’ operazzjonijiet u l-perijodi ta’ żmien speċifiċi tagħhom imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 4 li jagħmlu x-xiri sfurzat ineffettiv;

(f)

metodoloġija għall-kalkolu tal-kumpens fi flus kontanti msemmi fil-paragrafu 7;

(g)

il-kondizzjonijiet li taħthom parteċipant jitqies li jfalli b’mod konsistenti u sistematiku fit-twassil tal-istrumenti finanzjarji kif imsemmi fil-paragrafu 9; u

(h)

l-informazzjoni meħtieġa għas-saldu msemmija fit-tieni subparagrafu tal–paragrafu 10.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Infurzar

1.   L-awtorità kompetenti tas-CSD li jopera s-sistema ta’ saldu tat-titoli, l-awtorità rilevanti responsabbli għas-sorveljanza tas-sistema ta’ saldu tat-titoli kkonċernata kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar, tad-ditti tal-investiment u s-CCPs għandhom ikunu kompetenti biex jiżguraw li l-Artikoli 6 u 7 huma applikati mill-istituzzjonijiet soġġetti għas-superviżjoni tagħhom u għall-monitoraġġ tal-penali imposti. Fejn meħtieġ, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jikkooperaw mill-qrib. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-ESMA dwar l-awtoritajiet kompetenti nominati li huma parti mill-istruttura ta’ superviżjoni fil-livell nazzjonali.

2.   Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi ġewwa l-Unjoni fir-rigward tal-Artikoli 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, tista’ toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   Ksur tar-regoli taħt dan it-Titolu ma għandux jaffettwa l-validità ta’ kuntratt privat dwar strumenti finanzjarji jew il-possibbiltà li l-partijiet jinfurzaw id-dispożizzjoniijet ta’ kuntratt privat dwar strumenti finanzjarji.

KAPITOLU IV

Saldu internalizzat

Artikolu 9

Internalizzaturi tas-saldu

1.   L-internalizzaturi tas-saldu għandhom jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ stabbiliment tagħhom fuq bażi trimestrali l-volum u l-valur aggregat tat-transazzjonijiet tat-titoli kollha li huma jissaldaw barra minn sistemi ta’ saldu tat-titoli.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrasmettu mingħajr dewmien l-informazzjoni li jirċievu skont l-ewwel subparagrafu lill-ESMA u għandhom jinformaw lill-ESMA dwar kwalunkwe riskju potenzjali li jirriżulta minn dik l-attività tas-saldu.

2.   B’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika aktar il-kontenut ta’ dan ir-rappurtar.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għar-rappurtar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġynju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU III

DEPOŻITORJI ĊENTRALI TAT-TITOLI

KAPITOLU I

Awtorizzazzjoni u superviżjoni tas-CSDs

Taqsima 1

Awtoritajiet responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs

Artikolu 10

Awtorità kompetenti

Mingħajr preġudizzju għas-sorveljanza mwettqa mill-membri tas-SEBĊ imsemmija fl-Artikolu 12(1), is-CSD għandu jiġi awtorizzat u ssorveljat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.

Artikolu 11

Nomina tal-awtorità kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità kompetenti responsabbli mit-twettiq tad-dmirijiet skont dan ir-Regolament għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs stabbiliti fit-territorju tiegħu u għandi jgħarraf lill-ESMA dwar dan.

Meta Stat Membru jinnomina aktar minn awtorità kompetenti waħda, dan għandu jiddetermina r-rwoli rispettivi tagħhom u għandu jinnomina awtorità waħda li għandha tkun responsabbli għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra, l-awtoritajiet rilevanti, l-ESMA, u l-EBA fejn dan ikun imsemmi b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament.

2.   L-ESMA għandha tippubblika lista tal-awtoritajiet kompetenti nominati skont il-paragrafu 1 fuq is-sit elettroniku tagħha.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 12

Awtoritajiet rilevanti

1.   L-awtoritajiet li ġejjin għandhom ikunu involuti fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tas-CSDs fejn dan ikun speċifikament imsemmi f’dan ir-Regolament:

(a)

l-awtorità responsabbli mis-sorveljanza tas-sistema ta’ saldu tat-titoli oeprati mis-CSD fl-Istat Membru li l-liġi tiegħu tapplika għal dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli;

(b)

il-banek ċentrali fl-Unjoni li joħorġu l-muniti l-aktar rilevanti li fihom jitwettaq is-saldu;

(c)

fejn rilevanti, il-bank ċentrali fl-Unjoni li fil-kotba tiegħu tiġi ssaldata l-parti ta’ flus kontanti ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli operat mis-CSD.

2.   L-ESMA għandha tippubblika l-lista tal-awtoritajiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 1 fuq is-sit elettroniku tagħha.

3.   L-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom il-muniti tal-Unjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 huma meqjusa bħala l-aktar rilevanti u arranġamenti prattiċi effiċjenti għall-konsultazzjoni tal-awtoritajiet rilevanti msemmija fil-punti (b) u (c) ta’ dak il-paragrafu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 13

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet rilevanti u l-ESMA għandhom, meta jintalbu u mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet li jwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti, awtoritajiet rilevanti, l-ESMA u korpi oħra jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fit-twettiq ta’ dmirijiethom skont dan ir-Regolament għandhom jużawh biss waqt dmirijiethom.

Artikolu 14

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.   L-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet rilevanti u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib, inkluż bl-iskambju tal-informazzjoni rilevanti kollha għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fejn dan ikun adatt u rilevanti, tali kooperazzjoni għandha tinkludi awtoritajiet jew korpi pubbliċi oħrajn, b’mod partikolari dawk stabbiliti jew maħtura skont id-Direttiva 2003/87/KE.

Sabiex jiġu żgurati prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi ġewwa l-Unjoni, inkluża l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti fil-valutazzjonijiet differenti meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   Fl-eżerċizzju tad-dmirijiet ġenerali tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu kif adatt l-impatt potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri l-oħra kollha kkonċernati, b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 15, abbażi tal-informazzjoni disponibbli.

Artikolu 15

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/26/KE, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti għandhom jgħarrfu minnufih lill-ESMA, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) u lil xulxin dwar kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza relatata ma’ CSD, inkluż kwalunkwe żvilupp fis-swieq finanzjarji, li jista’ jkollu effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq, l-istabbiltà tal-munita li fiha jseħħ is-saldu, l-integrità tal-politika monetarja jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri fejn ikun stabbilit is-CSD jew wieħed mill-parteċipanti tiegħu.

Taqsima 2

Kondizzjonijiet u proċeduri għall-awtorizzazzjoni tas-CSDs

Artikolu 16

Awtorizzazzjoni ta’ CSD

1.   Kwalunkwe persuna ġuridika li taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ CSD għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn hija stabbilita qabel ma tibda l-attivitajiet tagħha.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika s-servizzi ewlenin elenkati fit-Taqsima A tal-Anness u s-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju ammessi skont it-Taqsima B tal-Anness, li s-CSD huwa awtorizzat li jipprovdi.

3.   CSD għandu jikkonforma f’kull ħin mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni.

4.   CSD kif ukoll l-awdituri indipendenti tiegħu, għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jgħarrfu lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidla sostantiva li taffettwa l-konformità mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

Artikolu 17

Proċedura għall-għoti tal-awtorizzazzjoni

1.   Is-CSD li japplika għandu jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tiegħu.

2.   L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti taċċerta ruħha li s-CSD li japplika jkun stabbilixxa, fi żmien l-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jilħaq l-obbligi tiegħu stipulati f’dan ir-Regolament. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi t-tipi ta’ negozju previst u l-organizzazzjoni strutturali tas-CSD.

3.   Fi żmien 30 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih is-CSD li japplika jrid jipprovdi informazzjoni addizzjonali. Meta l-applikazzjoni titqies bħala kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li japplika.

4.   Mill-mument meta l-applikazzjoni titqies kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha inkluża fl-applikazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti u tikkonsulta lil dawk l-awtoritajiet rigward il-karatteristiċi tas-sistema ta’ saldu tat-titoli operata mis-CSD li japplika. Kull awtorità rilevanti tista’ tinforma lill-awtorità kompetenti bil-fehmiet tagħha fi żmien 3 xhur mir-riċevuta tal-informazzjoni mill-awtorità rilevanti.

5.   Fejn is-CSD li japplika jkun biħsiebu jipprovdi s-servizzi msemmija fil-punt (2) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE minbarra l-forniment tas-servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness, l-awtorità kompetenti għandha tibgħat l-informazzjoni kollha inkluża fl-applikazzjoni lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE u tikkonsulta lil dik l-awtorità dwar l-abbiltà tas-CSD li japplika li jaderixxi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

6.   Qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni lis-CSD li japplika, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor involut fil-każijiet li ġejjin:

(a)

is-CSD huwa sussidjarju ta’ CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(b)

is-CSD huwa sussidjarju tal-impriża prinċipali ta’ CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(c)

is-CSD huwa kkontrollat mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontrollaw CSD differenti awtorizzat fi Stat Membru ieħor.

7.   Il-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tkopri dan li ġej:

(a)

kemm huma adatti l-azzjonisti u l-persuni msemmija fl-Artikolu 27(6) u r-reputazzjoni u l-esperjenza tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju tas-CSD imsemmi fl-Artikolu 27(1) u (4), fejn dawk l-azzjonisti u persuni jkunu komuni għas-CSD u għal CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor;

(b)

jekk ir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6 bejn is-CSD awtorizzat fi Stat Membru ieħor u s-CSD li japplika jaffetwawx l-abbiltà ta’ dan tal-aħħar sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

8.   Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf bil-miktub lis-CSD li japplika b’deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx miċħuda.

9.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

10.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 18

Effetti tal-awtorizzazzjoni

1.   L-attivitajiet tas-CSD awtorizzat għandhom ikunu limitati għall-forniment ta’ servizzi koperti mill-awtorizzazzjoni jew in-notifika tiegħu f’konformità mal-Artikolu 19(8).

2.   Sistemi ta’ saldu tat-titoli jistgħu jiġu operati biss minn CSDs awtorizzati inklużi banek ċentrali li jaġixxu bħala CSDs.

3.   CSD awtorizzat jista’ jkollu parteċipazzjoni biss f’persuna ġuridika li l-attivitajiet tagħha jkunu limitati għall-forniment tas-servizzi elenkati fit-Taqsimiet A u B tal-Anness, sakemm it-tali parteċipazzjoni ma tkunx approvata mill-awtorità kompetenti tagħha fuq il-bażi li ma żżidx b’mod sinifikanti l-profil ta’ riskju tas-CSD.

4.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kriterji li għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti biex japprovaw il-parteċipazzjoni ta’ CSDs f’persuni ġuridiċi minbarra dawk li jipprovdu s-servizzi elenkati fit-Taqsimiet A u B tal-Anness. Tali kriterji jistgħu jinkludu jekk is-servizzi provduti minn dik il-persuna ġuridika humiex komplementari mas-servizzi provduti minn CSD, u l-firxa tal-esponiment tas-CSD għar-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn tali parteċipazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 19

Estensjoni u esternalizzazzjoni tal-attivitajiet u s-servizzi

1.   CSD awtorizzat għandu jippreżenta applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħufejn ikun jixtieq jesternalizza servizz ewlieni lil parti terza skont l-Artikolu 30 jew jestendi l-attivitajiet tiegħu lil wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

servizzi ewlenin addizzjonali elenkati fit-Taqsima A tal-Anness, li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali;

(b)

servizzi anċillari permissibbli, iżda mhux elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness, li mhumiex koperti mill-awtorizzazzjoni inizjali;

(c)

l-operazzjoni ta’ sistema oħra ta’ saldu tat-titoli;

(d)

is-saldu tal-parti ta’ flus kontanti kollha, jew parti minnha, tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu fil-kotba ta’ aġent ta’ saldu ieħor;

(e)

l-istabbiliment ta’ konnessjoni interoperabbli, inkluż dawk mas-CSDs ta’ pajiiżi terzi.

2.   L-għoti ta’ awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 għandu jsegwi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 17.

L-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lis-CSD li japplika dwar jekk l-awtorizzazzjoni ngħatatx jew ġietx miċħuda fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta.

3.   CSDs stabbiliti fl-Unjoni li biħsiebhom jistabbilixxu konnessjoni interoperabbli għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi tagħhom kif meħtieġ skont il-punt (e) tal-paragrafu 1. Dawk l-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar l-approvazzjoni tal-konnessjoni tas-CSD. F’każ ta’ deċiżjonijiet diverġenti u jekk jaqblu ż-żewġ awtoritajiet kompetenti, il-kwistjoni tista’ tiġi riferuta lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   L-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 3 għandhom jirrifjutaw li jawtorizzaw konnessjoni biss fejn tali konnessjoni ta’ CSD tkun thedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew tikkawża riskju sistemiku

5.   Konnessjonijiet interoperabbli ta’ CSDs li jesternalizzaw uħud mis-servizzi tagħhom, relatati ma’ dawn il-konnessjonijiet interoperabbli, lil entità pubblika skont l-Artikolu 30(5) u konnessjonijiet ta’ CSDs li mhumiex imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 ma għandhomx ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni skont dak il-punt, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti tas-CSDs qabel l-implimentazzjoni tagħhom billi tiġi provduta l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti lit-tali awtoritajiet jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48.

6.   CSD stabbilit u awtorizzat mill-Unjoni jista’ jżomm jew jistabbilixxi konnessjoni ma’ CSDs ta’ pajjiż terz f’konformità mal-kondizzjonijiet u l-proċeduri previsti f’dan l-Artikolu. Fejn ikunu stabbiliti konnessjonijiet ma’ CSDs ta’ pajjiż terz, l-informazzjoni provduta mis-CSD li jagħmel it-talba għandha tippermetti lill-awtorità kompetenti li tevalwa jekk tali konnessjonijiet jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48 jew ir-rekwiżiti li huma ekwivalenti għal dawk previsti fl-Artikolu 48.

7.   L-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba għandha tesiġi li dak is-CSD itemm konnessjoni ta’ CSD li tkun ġiet innotifikata jekk tali konnessjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 48 u b’hekk tkun ta’ theddida għall-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew tikkawża riskju sistemiku. Fejn awtorità kompetenti tesiġi li s-CSD itemm konnessjoni ta’ CSD, hija għandha ssegwi l-proċedura stipulata fl-Artikolu 20(2) u (3).

8.   Is-servizzi anċillari addizzjonali elenkati b’mod espliċitu fit-Taqsima B tal-Anness ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni, iżda għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti qabel ma jiġu pprovduti.

Artikolu 20

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni jew miżura ta’ rimedju taħt it-titolu V, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tirtira l-awtorizzazzjoni f’kwalunkwe miċ-ċirkostanzi li ġejjin, fejn is-CSD:

(a)

ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni għal 12-il xahar, espressament jirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz jew wettaq l-ebda attività matul is-sitt xhur ta’ qabel;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn;

(c)

ma jibqax jikkonforma mal-kondizzjonijiet li skonthom ingħatat l-awtorizzazzjoni u ma jkunx ħa l-azzjonijiet ta’ rimedju mitluba mill-awtorità kompetenti fil-limiti ta’ żmien stabbilit;

(d)

ikun kiser b’mod serju jew sistematiku r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jew, fejn applikabbli, fid-Direttiva 2014/65/UE jew ir-Regolament (UE) Nru 600/2014.

2.   Mill-mument li ssir taf b’waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta minnufih lill-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, l-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE dwar il-ħtieġa li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.

3.   L-ESMA u kwalunkwe awtorità rilevanti u, fejn applikabbli, l-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE jistgħu, fi kwalunkwe mument, jitolbu li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju teżamina jekk is-CSD għadux jikkonforma mal-kondizzjonijiet li skonthom ingħatat l-awtorizzazzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar tal-awtorizzazzjoni għal servizz, attività, jew strument finanzjarju partikolari.

5.   CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm proċedura adegwata biex jiżgura s-saldu u t-trasferiment f’waqthom u ordnati tat-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil CSD ieħor fil-każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 21

Reġistru tas-CSD

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 16, 19 u 20 għandhom jiġu kkomunikati minnufih lill-ESMA.

2.   Mingħajr dewmien żejjed il-banek ċentrali għandhom jgħarrfu lill-ESMA bi kwalunkwe sistema ta’ saldu tat-titoli li huma joperaw.

3.   Isem kull CSD li jopera f’konformità ma’ dan ir-Regolament u li ngħatatlu awtorizzazzjoni jew rikonoxximent skont l-Artikolu 16, 19 jew 25 għandu jiddaħħal f’reġistru li jispeċifika s-servizzi u, fejn applikabbli, il-klassijiet tal-istrumenti finanzjarji li għalihom ikun ġie awtorizzat is-CSD. Ir-reġistru għandu jinkludi l-fergħat operati mis-CSD fi Stati Membri oħra, il-konnessjonijiet tas-CSD u l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 31 fejn l-Istati Membri jkunu għamlu użu mill-possibbiltà prevista f’dak l-Artikolu. L-ESMA għandha tagħmel ir-reġistru disponibbli fuq is-sit elettroniku ddedikat tagħha u żżommu aġġornat.

Taqsima 3

Superviżjoni tas-CSDs

Artikolu 22

Rieżami u evalwazzjoni

1.   Tal-anqas fuq bażi annwali, l-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina l-arranġamenti, l-istrateġiji, il-proċessi u l-mekkaniżmi implimentati minn CSD fir-rigward tal-konformità ma’ dan ir-Regolament u tevalwa r-riskji li s-CSD huwa, jew jista’ jkun, espost għalihom jew li hija toħloq għall-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tirrikjedi lis-CSD biex jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti pjan ta’ rkupru adegwat biex tkun żgurata l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li jkun stabbilit pjan ta’ riżoluzzjoni adegwat u li dan jinżamm għal kull CSD sabiex tiġi żgurata kontinwità tal-inqas tal-funzjonijiet ewlenin tiegħu, b’kont meħud tad-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċernat u kwalunkwe pjan ta’ riżoluzzjoni rilevanti stabbilit f’konformità mad-Direttiva 2014/59/UE.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-frekwenza u l-profondità tar-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 billi tqis id-daqs, l-importanza sistemika, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-CSD ikkonċernat. Ir-rieżami u l-evalwazzjoni għandhom jiġu aġġornati tal-anqas fuq bażi annwali.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tissoġġetta lis-CSD għal spezzjonijiet fuq il-post.

6.   Meta twettaq ir-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta fi stadju bikri lill-awtoritajiet rilevanti, b’mod partikolari rigward il-funzjonament tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD u, fejn applikabbli, l-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE.

7.   B’mod regolari u tal-anqas darba f’sena, l-awtorità kompetenti għandha tgħarraf lill-awtoritajiet rilevanti u, fejn applikabbli, lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE bir-riżultati tar-rieżami u l-evalwazzjoni valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 inklużi kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju jew piena.

8.   Meta jwettqu r-rieżami u l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni tas-CSDs li jkollhom it-tipi ta’ relazzjonijiet msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 17(6) għandhom jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni rilevanti kollha li aktarx tiffaċilita l-kompiti tagħhom.

9.   L-awtorità kompetenti għandha tesiġi lil CSD li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament sabiex fi stadju bikri jieħu l-azzjonijiet jew il-passi meħtieġa biex jindirizza s-sitwazzjoni.

10.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a)

l-informazzjoni li s-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tar-rieżami u evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

l-informazzjoni li l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-awtoritajiet rilevanti kif stipulat fil-paragrafu 7;

(c)

l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 8 għandhom jipprovdu lil xulxin.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

11.   L-ESMA għandha tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina formoli, mudelli u proċeduri standard għall-forniment tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 10.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 4

Forniment ta’ servizzi fi Stat Membru ieħor

Artikolu 23

Libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor

1.   CSD awtorizzat jista’ jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni, inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, dment li dawk is-servizzi jkunu koperti mill-awtorizzazzjoni.

2.   CSD awtorizzat li biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru ieħor imsemmi fl-Artikolu 49(1) jew jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru ieħor għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 3 sa 7.

3.   Kwalunkwe CSD li jkun jixtieq jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għall-ewwel darba, jew li jibdel il-firxa ta’ dawk is-servizzi provduti, għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju:

(a)

l-Istat Membru li fih is-CSD ikun biħsiebu jopera;

(b)

programm ta’ operazzjonijiet li jiddikjara b’mod partikolari s-servizzi li s-CSD ikun biħsiebu jipprovdi;

(c)

il-munita jew muniti li s-CSD ikun biħsiebu jipproċessa;

(d)

fejn ikun hemm fergħa, l-istruttura organizzattivi tal-fergħa u l-ismijiet ta’ dawk responsabbli mill-ġestjoni tal-fergħa;.

(e)

fejn rilevanti, valutazzjoni tal-miżuri li s-CSD ikun biħsiebu jieħu biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 49(1).

4.   Fi żmien tliet xhur mir-riċevuta tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti sakemm, meta tqis il-forniment tas-servizzi previsti, ma jkollhiex raġuni sabiex tiddubita l-adegwatezza tal-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja tas-CSD li jixtieq jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritajiet rilevanti ta’ dak l-Istat Membru b’kwalunkwe komunikazzjoni li tkun irċeviet skont l-ewwel subparagrafu.

5.   Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiddeċiedi f’konformità mal-paragrafu 4 li ma tikkomunikax l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti hija għandha tagħti r-raġunijiet għar-rifjut tagħha lis-CSD ikkonċernat fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni kollha u tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membri ospitanti bid-deċiżjoni tagħha fir-rigward tal-punt (a) tal-paragrafu 6. Fejn l-informazzjoni tiġi kondiviża b’reazzjoni għal talba bħal din, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ma għandhiex toħroġ il-komunikazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 6.

6.   Is-CSD jista’ jibda jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 fl-Istat Membru ospitanti skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

kif jirċievi komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi r-riċevuta minn dan tal-aħħar tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 u, fejn rilevanti, li tapprova l-valutazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 3;

(b)

fin-nuqqas ta’ riċevuta ta’ komunikazzjoni, wara tliet xhur mid-data ta’ trasmissjoni tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

7.   F’każ ta’ bidla fi kwalunkwe parti tal-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 3, CSD għandu jagħti avviż bil-miktub dwar dik il-bidla lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti wkoll għandha tiġi mgħarrfa dwar dik il-bidla mingħajr dewmien mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

Artikolu 24

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti u evalwazzjoni bejn il-pari

1.   Meta CSD awtorizzat fi Stat Membru jkun stabbilixxa fergħa fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jikkooperaw mill-qrib fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom previsti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari meta jwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti tista’, fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħha, twettaq spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jew tal-Istati Membru tad-domiċilju, rispettivament.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew tal-Istat Membru ospitanti tista’ tesiġi li s-CSDs jipprovdu servizzi skont l-Artikolu 23 sabiex jirraportaw lilhom perjodikament dwar l-attivitajiet tagħhom f’dak l-Istat Membru ospitanti, inkluż għall-fini tal-ġbir ta’ statistika. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, fuq talba mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, jipprovdu dawk ir-rapporti perjodiċi lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tas-CSD għandha, fuq talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u mingħajr dewmien, tikkomunika l-identità tal-emittenti u tal-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD li jipprovdi servizzi f’dak l-Istat Membru ospitanti u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti rigward l-attivitajiet ta’ dak is-CSD fl-Istat Membru ospitanti.

4.   Fejn, b’kont meħud tas-sitwazzjoni tas-swieq tat-titoli fl-Istat Membru ospitanti, l-attivitajiet ta’ CSD ikunu saru ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u l-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta’ kooperazzjoni għas-superviżjoni tal-attivitajiet ta’ dak is-CSD fl-Istat Membru ospitanti.

Fejn CSD ikun sar sostanzjalment importanti għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f’aktar minn Stat Membru ospitanti wieħed, l-Istat Membru tad-domiċilju jista’ jiddeċiedi li tali arranġamenti ta’ kooperazzjoni għandhom jinkludu kulleġġi ta’ superviżuri.

5.   Meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u li jistgħu jiġu pprovati biex temmen li CSD li jipprovdi servizzi ġewwa t-territorju tagħha skont l-Artikolu 23 ikun qed jikser l-obbligi li ġejjin mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, din għandha tirreferi dawk is-sejbiet lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u lill-ESMA.

Meta, minkejja miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jew għax dawn il-miżuri jkunu inadegwati, is-CSD jippersisti fil-ksur tal-obbligi li ġejjin mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, wara li tgħarraf lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċlju, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tieħu l-miżuri adatti kollha meħtieġa sabiex tiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ġewwa t-territorju tal-Istat Membru ospitanti. L-ESMA għandha tiġi mgħarrfa dwar tali miżuri mingħajr dewmien.

L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ospitanti u tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jirreferu din il-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lill-membri tal-SEBĊ, torganizza u twettaq tal-inqas kull tliet snin evalwazzjoni bejn il-pari tas-superviżjoni ta’ CSDs li jagħmlu użu mil-libertà li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor f’konformità mal-Artikolu 23 jew li jipparteċipaw f’konnessjoni interoperabbli.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni bejn il-pari msemmijafl-ewwel subparagrafu l-ESMA, għandha, fejn adatt, titlob ukoll opinjonijiet jew parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 67 rigward il-miżuri għall-istabbiliment tal-kriterji li skonthom l-operazzjonijiet ta’ CSD fi Stat Membru ospitanti jistgħu jitqiesu li huma ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri f’dak l-Istat Membru ospitanti.

8.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli, mudelli u proċeduri standard għall-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 5.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 5

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Artikolu 25

Pajjiżi terzi

1.   CSDs ta’ pajjiżi terzi jistgħu jipprovdu s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni inkluż permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, CSD ta’ pajjiż terz li biħsiebu jipprovdi s-servizzi ewlenin imsemmija fil-punti (1) u (2) tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1) jew jistabbilixxi fergħa fi Stat Membru għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 4 sa 11 ta’ dan l-Artikolu.

3.   CSD stabbilit u awtorizzat fl-Unjoni jista’ jżomm jew jistabbilixxi konnessjoni ma’ CSD ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 48.

4.   Wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, l-ESMA tista’ tirrikonoxxi CSD ta’pajjiż terz li jkun applika għal rikonoxximent sabiex jipprovdi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni skont il-paragrafu 9;

(b)

is-CSD ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal awtorizzazzjoni effettiva, superviżjoni u sorveljanza jew, jekk is-sistema ta’ saldu tat-titoli tkun operata minn bank ċentrali, sorveljanza, li jiżguraw konformità sħiħa mar-rekwiżiti prudenzjali applikabbli f’dak il-pajjiż terz;

(c)

ikunu ġew stabbiliti arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejn l-ESMA u l-awtoritajiet responsabbli f’dak il-pajjiż terz (l-“awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz”) skont il-paragrafu 10;

(d)

fejn rilevanti, is-CSD ta’ pajjiż terz jieħu l-miżuri neċessarji biex jippermetti li l-utenti tiegħu jikkonformaw mal-liġi nazzjonali rilevanti tal-Istat Membru li fih is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD, inkluża l-liġi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), u l-adegwatezza ta’ dawk il-miżuri tkun ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD.

5.   Meta jiġi vvalutat jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, l-ESMA għandha tikkonsulta:

(a)

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD, b’mod partikolari, dwar kif is-CSD ta’ pajjiż terz ikun biħsiebu jikkonforma mar-rekwiżit imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 4;

(b)

lill-awtoritajiet rilevanti;

(c)

lill-awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz fdati bl-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni u s-sorveljanza tas-CSDs.

6.   Is-CSD ta’ pajjiż terz imsemmi fil-paragrafu 2 għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent lill-ESMA.

Is-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-ESMA l-informazzjoni kollha meqjusa li hija meħtieġa għar-rikonoxximent tiegħu. L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta fi żmien 30 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni. Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih is-CSD li japplika għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz biħsiebu jipprovdi servizzi ta’ CSD għandhom jivvalutaw il-konformità tas-CSD ta’ pajjiż terz mal-liġijiet imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 4 u jgħarrfu lill-ESMA b’deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha dwar jekk il-konformità hijiex sodisfatta jew le fi żmien tliet xhur mir-riċevuta tal-informazzjoni kollha meħtieġa mill-ESMA.

Id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fil-paragrafu 4.

Fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha tgħarraf bil-miktub lis-CSD li japplika b’deċiżjoni bir-raġunament sħiħ tagħha dwar jekk ir-rikonoxximent ingħatax jew ġiex miċħud.

7.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom is-CSD ta’ pajjiż terz, debitament rikonoxxut skont il-paragrafu 4, jipprovdi servizzi ta’ CSD, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet ta’ pajjiż terzi responsabbli sabiex:

(a)

jirrapportaw perjodikament dwar l-attivitajiet tas-CSD ta’ pajjiż terz f’dawk l-Istati Membri ospitanti, inkluż għall-fini tal-ġbir ta’ statistika;

(b)

jikkomunikaw, f’limitu ta’ żmien adatt, l-identità tal-emittenti u l-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD ta’ pajjiż terz li jipprovdi servizzi f’dak l-Istat Membru ospitanti u kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti dwar l-attivitajiet ta’ dak is-CSD ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti.

8.   L-ESMA għandha, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, tirrieżamina r-rikonoxximent tas-CSD ta’ pajjiż terz f’każ ta’ estensjonijiet minn dak is-CSD tas-servizzi tiegħu fl-Unjoni skont il-proċedura stipulata fil-paragrafi 4, 5 u 6.

L-ESMA għandha tirtira r-rikonoxximent ta’ dak is-CSD meta l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4 ma jibqgħux issodisfati jew fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20.

9.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li s-CSDs awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma effettivament ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, li dawk is-CSDs huma soġġetti għal superviżjoni, sorveljanza u infurzar effettiv f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa, u li l-qafas legali ta’ dak il-pajjiż terz jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CSDs awtorizzati skont ir-reġimi legali ta’ pajjiż terzi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 68(2).

Meta tagħmel id-determinazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll jekk l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jirreflettux l-istandards CPSS-IOSCO maqbulin internazzjonalment, sa fejn dawn tal-aħħar ma jkunux f’konflitt mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

10.   F’konformità mal-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi responsabbli li l-oqsfa legali u superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti għal dan ir-Regolament skont il-paragrafu 9. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw tal-anqas:

(a)

il-mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u l-awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiż terz, inkluż l-aċċess għall-informazzjoni kollha rigward is-CSDs awtorizzati f’pajjiżi terzi li hija rikjesta mill-ESMA u b’mod partikolari l-aċċess għal informazzjoni fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 7;

(b)

il-mekkaniżmu għal notifika f’waqtha tal-ESMA fejn awtorità responsabbli ta’ pajjiż terz tqis li CSD li tkun qed tissorvelja jkun qed jikser il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni tiegħu jew liġi applikabbli oħra;

(c)

il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji inklużi, fejn adatt, spezzjonijiet fuq il-post.

Meta ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi għal trasferimenti ta’ data personali minn Stat Membru, tali trasferimenti għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u meta ftehim ta’ kooperazzjoni jipprovdi għal trasferimenti ta’ data personali mill-ESMA, tali trasferimenti għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

11.   Fejn CSD ta’ pajjiż terz ikun ġie rikonoxxut, f’konformità mal-paragrafi 4 sa 8, huwa jista’ jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Anness fit-territorju tal-Unjoni inkluż bl-istabbiliment ta’ fergħa.

12.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-informazzjoni li s-CSD li japplika għandu jipprovdi lill-ESMA fl-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent skont il-paragrafu 6.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU II

Rekwiżiti għas-CSDs

Taqsima 1

Rekwiżiti organizzattivi

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   CSD għandu jkollu arranġamenti ta’ governanza robusti, li jinkludu struttura organizzattivi ċara b’linji ta’ responsabbiltà definiti sew, trasparenti u konsistenti, proċessi effettivi sabiex jidentifika, jamministra, jimmonitorja u jirrapporta r-riskji li huwa, jew li jista’ jkun, espost għalihom, u politiki ta’ remunerazzjoni u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati, inklużi proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà sodi.

2.   CSD għandu jadotta politiki u proċeduri li huma effettivi biżżejjed sabiex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluża konformità tal-maniġers u l-impjegati tiegħu mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament.

3.   CSD għandu jżomm u jopera arranġamenti organizzazzjonali u amministrattivi miktuba effettivi sabiex jidentifika u jimmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali bejnu stess, inklużi l-maniġers, l-impjegati, il-membri tal-korp maniġerjali jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament marbuta magħhom, u l-parteċipanti tiegħu jew il-klijenti tagħhom. Għandu jżomm u jimplimenta proċeduri ta’ riżoluzzjoni adegwati fejn ikun hemm il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess.

4.   CSD għandu jqiegħed l-arranġamenti ta’ governanza tiegħu u r-regoli li jirregolaw l-attività tiegħu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

5.   CSD għandu jkollu proċeduri adatti sabiex l-impjegati tiegħu jirrapportaw internament ksur potenzjali ta’ dan ir-Regolament permezz ta’ mezz speċifiku.

6.   CSD għandu jkun soġġett għal awditi regolari u indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawn l-awditi għandhom jiġu kkomunikati lill-korp maniġerjali u jkunu disponibbli għall-awtorità kompetenti u, fejn adatt b’kont meħud ta’ konflitti ta’ interess potenzjali bejn il-membri tal-kumitat tal-utenti u s-CSD, għall-kumitat tal-utenti.

7.   Fejn CSD ikun parti minn grupp ta’ impriżi inklużi CSDs oħra jew istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fit-Titolu IV, huwa għandu jadotta politiki u proċeduri dettaljati li jispeċifikaw kif ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu japplikaw għall-grupp u għall-entitajiet differenti fil-grupp.

8.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika fil-livell tas-CSD u l-livell tal-grupp kif imsemmi fil-paragrafu 7:

(a)

l-għodod ta’ monitoraġġ għar-riskji tas-CSDs imsemmija fil-paragrafu 1;

(b)

ir-responsabbiltajiet tal-persunal ewlieni fir-rigward tar-riskji tas-CSDs imsemmija fil-paragrafu 1;

(c)

il-konflitti ta’ interess potenzjali msemmija fil-paragrafu 3;

(d)

il-metodi tal-awditjar imsemmija fil-paragrafu 6; u

(e)

iċ-ċirkostanzi li fihom ikun adatt, b’kont meħud ta’ konflitti ta’ interess potenzjali bejn il-membri tal-kumitat tal-utenti u s-CSD, biex ir-riżultati tal-awditjar jiġu kondiviżi mal-kumitat tal-utenti f’konformità mal-paragrafu 6.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27

Il-maniġment superjuri, il-korp maniġerjali u l-azzjonisti

1.   Il-maniġment superjuri ta’ CSD għandu jkollha reputazzjoni u esperjenza tajbin biżżejjed sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.

2.   CSD għandu jkollu korp maniġerjali li tal-anqas terz minnu, iżda mhux anqas minn żewġ membri tiegħu, ikunu indipendenti.

3.   Ir-rimunerazzjoni tal-membri indipendenti u ta’ membri oħrajn mhux eżekuttivi tal-korp maniġerjali ma għandux ikun marbut mal-prestazzjoni tan-negozju tas-CSD.

4.   Il-korp maniġerjali għandu jkun magħmul minn membri adatti ta’ reputazzjoni suffiċjentement tajba b’taħlita adatta ta’ ħiliet, esperjenza u għarfien dwar l-entità u s-suq. Il-membri mhux eżekuttivi tal-korp maniġerjali għandhom jiddeċiedu dwar mira għar-rappreżentanza tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed fil-korp maniġerjali u jħejji politika dwar kif jiżdied l-għadd tal-ġeneru mhux rappreżentat biżżejjed sabiex tintlaħaq dik il-mira. Il-mira, il-politika u l-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu ppubblikati.

5.   CSD għandu jiddetermina b’mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali f’konformità mal-liġi nazzjonali rilevanti. Meta mitlub, CSD għandu jqiegħed il-minuti tal-laqgħat tal-korp maniġerjali għad-disponibbiltà tal-awtorità kompetenti u tal-awditur.

6.   L-azzjonisti ta’ CSD u persuni li huma f’pożizzjoni li jeżerċitaw, b’mod dirett jew indirett, kontroll fuq il-ġestjoni tas-CSD għandhom ikunu adatti sabiex jiżguraw il-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD.

7.   CSD għandu:

(a)

jipprovdi lill-awtorità kompetenti u jippubblika l-informazzjoni rigward is-sjieda tas-CSD, u b’mod partikolari, l-identità u l-iskala tal-interessi ta’ kwalunkwe parti f’pożizzjoni li teżerċita kontroll fuq l-operazzjoni tas-CSD;

(b)

jinforma lill-awtorità kompetenti u jitlob l-approvazzjoni tagħha dwar kwalunkwe deċiżjoni għat-trasferiment tad-drittijiet ta’ sjieda li twassal għal bidla fl-identità tal-persuni li jeżerċitaw kontroll fuq l-operazzjoni tas-CSD. Wara li jirċievi approvazzjoni mill-awtorità kompetenti tiegħu, is-CSD għandu jippubblika t-trasferiment tad-drittijiet ta’ sjieda.

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha tinforma mingħajr dewmien żejjed lis-CSD u lill-awtorità kompetenti dwar id-deċiżjoni tagħha li takkwista jew tiddisponi mid-drittijiet tas-sjieda tagħha li twassal għal bidla fl-identità tal-persuni li jeżerċitaw kontroll fuq l-operazzjoni tas-CSD.

8.   Fi żmien 60 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni dwar il-bidliet proposti fil-kontroll tas-CSD. L-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tapprova bidliet proposti fil-kontroll tas-CSD fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi u li jistgħu jiġu pprovati li jagħtuha x’tifhem li dawn ikunu ta’ theddida għall-ġestjoni soda u prudenti tas-CSD jew l-abbiltà li s-CSD tikkonforma ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Kumitat tal-utenti

1.   CSD għandu jistabbilixxi kumitati tal-utenti għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, li għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-emittenti u tal-parteċipanti f’dawn is-sistemi ta’ saldu tat-titoli. Il-parir tal-kumitat tal-utenti għandu jkun indipendenti minn kwalunkwe influwenza diretta mill-maniġment tas-CSD.

2.   CSD għandu jiddefinixxi b’mod mhux diskriminatorju l-mandat għal kull kumitat tal-utenti stabbilit, l-arranġamenti ta’ governanza meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom u l-proċeduri operazzjonali tagħhom, kif ukoll il-kriterji ta’ ammissjoni u l-mekkaniżmu ta’ elezzjoni għall-membri tal-kumitat tal-utenti. L-arranġamenti ta’ governanza għandhom ikunu pubblikament disponibbli u għandhom jiżguraw li l-kumitat tal-utenti jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali u li jiltaqa’ regolarment.

3.   Kumitati tal-utenti għandhom jagħtu parir lill-korp maniġerjali dwar arranġamenti ewlenin li jħallu impatt fuq il-membri tagħhom, inklużi l-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ emittenti jew parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli rispettivi tagħhom u dwar il-livell tas-servizz.

4.   Il-kumitati tal-utenti jistgħu jippreżentaw opinjoni mhux vinkolanti lill-korp maniġerjali bir-raġunijiet dettaljati fir-rigward tal-istrutturi tal-prezzijiet tas-CSD.

5.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jiġu debitament mgħarrfa, il-membri tal-kumitati tal-utenti għandhom ikunu marbuta bil-kunfidenzjalità. Meta president ta’ kumitat tal-utenti jiddetermina li membru jkollu kunflitt ta’ interess potenzjali jew reali fir-rigward ta’ kwistjoni partikolari, dak il-membru ma għandux jitħalla jivvota dwar dik il-kwistjoni.

6.   CSD għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti u lill-kumitat tal-utenti dwar kwalunkwe deċiżjoni li fiha l-korp maniġerjali jiddeċiedi li ma jsegwix il-parir tal-kumitat tal-utenti. Il-kumitat tal-utenti jista’ jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe qasam li fih iqis li l-parir tal-kumitat tal-utenti ma ġiex segwit.

Artikolu 29

Żamma ta’ rekords

1.   CSD għandu jżomm, għal perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin, ir-rekords kollha tiegħu dwar is-servizzi u l-attivitajiet, inkluż dwar is-servizzi anċillari msemmija fit-Taqsimiet B u C tal-Anness, sabiex jippermetti lill-awtorità kompetenti timmonitorja l-konformità mar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament.

2.   Meta mitlub, CSD għandu jagħmel ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 disponibbli għall-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti u għal kwalunkwe awtorità pubblika oħra li skont il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha s-setgħa li titlob aċċess għal tali rekords għall-fini tat-twettiq tal-mandat tagħha.

3.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika d-dettalji tar-rekords msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom jinżammu għall-fini tal-monitoraġġ tal-konformità tas-CSDs mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-format tar-rekords msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom jinżammu għall-iskop ta’ monitoraġġ tal-konformità tas-CSDs mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 30

Esternalizzazzjoni

1.   Fejn CSD testernalizza servizzi jew attivitajiet lil parti terza, din għandha tibqa’ kompletament responsabbli mir-rilaxx tal-obbligi kollha tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tikkonforma fil-ħin kollu mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax fid-delega tar-responsabbiltà;

(b)

ir-relazzjoni u l-obbligi tas-CSD lejn il-parteċipanti jew l-emittenti tagħha ma jinbidlux;

(c)

effettivament, il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-CSD ma jinbidlux;

(d)

esternalizzazzjoni ma tipprevjenix l-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji u ta’ sorveljanza, inkluż l-aċċess fuq il-post għall-kisba ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex jitwettqu dawn il-funzjonijiet;

(e)

esternalizzazzjoni ma twassalx biex is-CSD jitlef mis-sistemi u l-kontrolli meħtieġa sabiex jimmaniġja r-riskji li jħabbat wiċċu magħhom;

(f)

is-CSD iżomm il-kompetenza u r-riżorsi meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-adegwatezza organizzazzjonali u kapitali tal-fornitur tas-servizz, għas-superviżjoni tas-servizzi esternalizzati b’mod effettiv u għall-ġestjoni tar-riskji assoċjati mal-esternalizzazzjoni fuq bażi kontinwa;

(g)

is-CSD għandu aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti tas-servizzi esternalizzati;

(h)

il-fornitur tas-servizz jikkoopera mal-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti b’rabta mal-attivitajiet esternalizzati;

(i)

is-CSD jiżgura li l-fornitur tas-servizz jilħaq l-istandards stabbiliti mil-liġi rilevanti ta’ protezzjoni tad-data li jkunu japplikaw li kieku l-fornituri tas-servizz kienu stabbiliti fl-Unjoni. Is-CSD huwa responsabbli mill-iżgurar li dawk l-istandards ikunu stabbiliti f’kuntratt bejn il-partijiet u li dawk l-istandards jinżammu.

2.   Is-CSD għandu jiddefinixxi fi ftehim bil-miktub id-drittijiet u l-obbligi tiegħu u dawk tal-fornitur tas-servizz. Il-ftehim ta’ esternalizzazzjoni għandu jippermetti lis-CSD li jtemm il-ftehim.

3.   Fuq talba, CSD u fornitur tas-servizzi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti u lill-awtoritajiet rilevanti l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jippermettilhom jivvalutaw il-konformità tal-attivitajiet esternalizzati mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-esternalizzazzjoni ta’ servizz ewlieni għandha tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 19 mill-awtorità kompetenti.

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ma għandhomx japplikaw fejn CSD jesternalizza wħud mis-servizzi jew l-attivitajiet tiegħu lil entità pubblika u fejn dik l-esternalizzazzjoni tkun irregolata minn qafas legali, regolatorju u operazzjonali ddedikat li sar qbil dwaru u ġie formalizzat b’mod konġunt mill-entità pubblika u s-CSD rilevanti u li l-awtoritajiet kompetenti qablu dwaru fuq il-bażi tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 31

Servizzi pprovduti minn partijiet oħra li mhumiex CSDs

1.   Minkejja l-Artikolu 30 u, fejn ikun rikjest mil-liġi nazzjonali, persuna li mhijiex CSD tista’ tkun responsabbli biex tirreġistra l-entrati tal-kotba fil-kontijiet tat-titoli miżmuma mis-CSDs.

2.   L-Istati Membri li jippermettu li partijiet oħra li mhumiex CSDs jipprovdu ċerti servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness f’konformità mal-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw fil-liġi nazzjonali tagħhom ir-rekwiżiti li japplikaw f’tali każ. Dawk ir-rekwiżiti għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li għandhom japplikaw kemm għas-CSD kif ukoll, fejn rilevanti, għall-parti l-oħra kkonċernata.

3.   L-Istati Membri li jippermettu li partijiet oħra li mhumiex CSDs jipprovdu ċerti servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness f’konformità mal-paragrafu 1, għandhom jikkomunikaw lill-ESMA l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-forniment ta’ tali servizzi, inklużi l-liġijiet nazzjonali rilevanti tagħhom.

L-ESMA għandha tinkludi informazzjoni bħal din fir-reġistru tas-CSD imsemmi fl-Artikolu 21.

Taqsima 2

Regoli dwar l-eżerċizzju tan-negozju

Artikolu 32

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   CSD għandu jkollu għanijiet u objettivi definiti b’mod ċar li jistgħu jintlaħqu, bħal fl-oqsma ta’ livelli minimi ta’ servizz, l-aspettattivi ta’ ġestjoni tar-riskji u l-prijoritajiet tan-negozju.

2.   CSD għandu jkollu regoli trasparenti għall-ġestjoni tal-ilmenti.

Artikolu 33

Rekwiżiti għall-parteċipazzjoni

1.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jkollu kriterji ta’ parteċipazzjoni divulgati pubblikament li jippermettu aċċess ġust u miftuħ għall-persuni ġuridiċi kollha li għandhom il-ħsieb li jsiru parteċipanti. Dawn il-kriterji għandhom ikunu trasparenti, oġġettivi, u mhux diskriminatorji sabiex jiġi żgurat aċċess ġust u miftuħ għas-CSD bl-attenzjoni dovuta għar-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u r-regolarità tas-swieq. Kriterji li jillimitaw l-aċċess għandhom jitħallew biss dment li l-għan tagħhom ikun il-kontroll ġustifikabbli ta’ riskju speċifikat għas-CSD.

2.   CSD għandu jittratta t-talbiet għal aċċess minnufih billi jipprovdi risposta għal dawn it-talbiet fi żmien xahar l-aktar tard u għandu jqiegħed l-proċeduri dwar it-trattament tat-talbiet għall-aċċess għad-dispożizzjoni pubblika.

3.   CSD għandu jiċħad aċċess lil parteċipant li jilħaq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1 biss fejn dan ikun ġustifikat sew bil-miktub u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni komprensiva tar-riskji.

F’każ ta’ rifjut, il-parteċipant li jitlob aċċess ikollu d-dritt jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li ċaħad l-aċċess.

Dik l-awtorità kompetenti responsabbli għandha teżamina l-ilment bir-reqqa billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut u għandha tipprovdi lill-parteċipant li jitlob l-aċċess bi tweġiba rraġunata.

Dik l-awtorità kompetenti responsabbli għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-parteċipant li jitlob l-aċċess dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn l-awtorità tas-CSD li jagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kull waħda miż-żewġ awtoritajiet tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD sabiex jagħti aċċess lil parteċipant li jkun qed jitolbu jitqies li ma jkunx ġustifikat, l-awtorità kompetenti tas-CSD li tkun irrifjutat l-aċċess għandha toħroġ ordni li teħtieġ li s-CSD jagħti aċċess lill-parteċipant li jkun qed jitlob dan.

4.   CSD għandu jkollu proċeduri oġġettivi u trasparenti għas-sospensjoni u l-ħruġ ordnat tal-parteċipanti li ma jibqgħux jilħqu l-kriterji ta’ parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

5.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 3 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 34

Trasparenza

1.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera kif ukoll għal kull wieħed mis-servizzi ewlenin l-oħra li jwettaq, CSD għandu jiddivulga pubblikament il-prezzijiet u t-tariffi assoċjati mas-servizzi ewlenin li huwa jipprovdi elenkati fit-Taqsima A tal-Anness. Għandu jiddivulga l-prezzijiet u t-tariffi ta’ kull servizz u funzjoni pprovduti b’mod separat, inklużi l-iskontijiet u r-roħs u l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jibbenefika minn dak it-tnaqqis. Għandu jagħti aċċess separat lill-klijenti tiegħu għas-servizzi speċifiċi pprovduti.

2.   CSD għandu jippubblika lista tal-prezzijiet sabiex jiffaċilita t-tqabbil tal-offerti u sabiex il-klijenti ikunu jistgħu jantiċipaw il-prezz li jkunu jridu jħallsu jekk jużaw is-servizzi.

3.   CSD għandu jkun marbut mill-politika tal-ipprezzar ippubblikata tiegħu għas-servizzi ewlenin tiegħu.

4.   CSD għandu jipprovdi lill-klijenti tiegħu l-informazzjoni li tippermetti rikonċiljament tal-fatturi mal-lista tal-prezzijiet ippubblikata.

5.   CSD għandu jiddivulga lill-klijenti kollha l-informazzjoni li tippermettilhom jivvalutaw ir-riskji assoċjati mas-servizzi pprovduti.

6.   CSD għandu jagħti rendikont separat għall-ispejjeż u d-dħul tas-servizzi ewlenin ipprovduti u għandu jiddivulga dak l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.

7.   CSD għandu jagħti rendikont tal-ispejjeż u d-dħul tas-servizzi anċillari provduti b’mod sħiħ u għandu jiddivulga dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti.

8.   Sabiex jiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni u jippermetti l-identifikazzjoni, fost oħrajn, ta’ sussidji inkroċjati ta’ servizzi anċillari mis-servizzi ewlenin, is-CSD għandu jżomm kontabbiltà analitika għall-attivitajiet tiegħu. Kontabbiltà analitika bħal din għandha tal-inqas tissepara l-ispejjeż u d-dħul assoċjati ma’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin tiegħu minn dawk assoċjati mas-servizzi anċillari.

Artikolu 35

Proċeduri ta’ komunikazzjoni ma’ parteċipanti u infrastrutturi oħra tas-suq

Fil-proċeduri ta’ komunikazzjoni tas-CSD mal-parteċipanti tas-sistemi ta’ saldu tat-titoli li joperaw, u mal-infrastrutturi tas-suq li huma jikkollegaw magħhom, is-CSDs għandhom jużaw proċeduri u standards ta’ komunikazzjoni miftuħa u internazzjonali sabiex jintbagħtu l-messaġġi u d-data ta’ referenza sabiex jiġu faċilitati r-reġistrar, il-ħlas u s-saldu effiċjenti.

Taqsima 3

Rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet ġenerali

Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jkollu r-regoli u l-proċeduri adatti, inklużi prattiki u kontrolli robusti ta’ kontabbiltà sabiex jgħin jiżgura l-integrità tal-ħruġ ta’ titoli, u jnaqqas u jimmaniġġja r-riskji assoċjati mal-kustodja u s-saldu ta’ transazzjonijiet fit-titoli.

Artikolu 37

Integrità tal-kwistjoni

1.   CSD għandu jieħu l-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni xierqa sabiex jivverifika li l-għadd ta’ titoli li jifforma ħruġ ta’ titoli jew parti minn ħruġ ta’ titoli sottomessi lis-CSD jkun daqs is-somma tat-titoli rreġistrati fil-kontijiet ta’ titoli tal-parteċipanti fis-sistema ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSD u, fejn rilevanti, fuq il-kontijiet titulari miżmuma mis-CSD. Miżuri ta’ rikonċiljazzjoni bħal dawn għandhom jitwettqu tal-inqas kuljum.

2.   Fejn dan ikun xieraq u jekk entitajiet oħrajn ikunu involuti fil-proċess ta’ rikonċiljazzjoni għal ċertu ħruġ ta’ titoli, bħall-emittent, ir-reġistraturi, l-aġenti tal-ħruġ, l-aġenti tat-trasferimenti, id-depożitorji komuni, CSDs oħrajn jew entitajiet oħrajn, is-CSD u kwalunkwe entità bħal din għandhom jorganizzaw miżuri adegwati ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni ma’ xulxin sabiex tinżamm l-integrità tal-ħruġ.

3.   F’sistema ta’ saldu tat-titoli operati minn CSD ma għandhomx ikunu permessi self kurrenti ta’ titoli, bilanċi tad-dejn jew ħolqien ta’ titoli.

4.   F’konsultazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-miżuri ta’ rikonċiljazzjoni li CSD għandu jieħu skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38

Protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom

1.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera, CSD għandu jżomm ir-rekords u l-kontijiet li għandhom jippermettulu li fi kwalunkwe mument u mingħajr dewmien jissegrega fil-kontijiet mas-CSD, it-titoli ta’ parteċipant minn dawk ta’ kwalunkwe parteċipant ieħor u, jekk applikabbli, mill-assi proprji tas-CSD.

2.   CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil kwalunkwe parteċipant li jissegrega t-titoli tal-parteċipant minn dawk tal-klijenti tal-parteċipant.

3.   CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil kwalunkwe parteċipant li jżomm f’kont tat-titoli wieħed it-titoli li jappartjenu għal klijenti differenti ta’ dak il-parteċipant (‘segregazzjoni kollettiva tal-klijenti’)

4.   CSD għandu jżomm rekords u kontijiet li jippermettu lil parteċipant li jissegrega t-titoli ta’ kwalunkwe wieħed mill-klijenti tal-parteċipant, jekk u kif ikun mitlub mill-parteċipant (‘segregazzjoni individwali tal-klijenti’).

5.   Parteċipant għandu joffri lill-klijenti tiegħu tal-anqas l-għażla bejn is-segregazzjoni kollettiva tal-klijenti u s-segregazzjoni tal-klijenti individwali u jgħarrafhom bl-ispejjeż u r-riskji assoċjati ma’ kull għażla.

Madankollu, CSD u l-parteċipanti tiegħu għandhom jipprovdu segregazzjoni individwali tal-klijenti għaċ-ċittadini u r-residenti u l-persuni ġuridiċi stabbiliti fi Stat Membru fejn ikun meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li taħtu jkunu kostitwiti t-titoli kif tkun tinsab fis-17 ta’ Settembru 2014. Dak l-obbligu għandu japplika sakemm il-liġi nazzjonali tiġi emendata jew titħassar u sakemm l-objettivi tiegħu jkunu għadhom validi.

6.   Is-CSDs u l-parteċipanti tagħhom għandhom jiddivulgaw pubblikament il-livelli tal-protezzjoni u l-ispejjeż assoċjati mal-livelli differenti ta’ segregazzjoni li huma jipprovdu u għandhom joffru dawk is-servizzi b’termini kummerċjali raġonevoli. Id-dettalji tal-livelli differenti ta’ segregazzjoni għandhom jinkludu deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet legali ewlenin tal-livelli rispettivi ta’ segregazzjoni offruti, inkluża l-informazzjoni dwar il-liġi tal-insolvenza applikabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti.

7.   Għall-ebda raġuni, CSD ma għandu juża titoli li mhumiex tiegħu. Madankollu, CSD jista’ juża titoli ta’ parteċipant fejn huwa jkun kiseb minn qabel kunsens espliċitu mill-parteċipant. Barra minn hekk is-CSD għandu jeħtieġ li l-parteċipanti tiegħu jiksbu minn qabel kwalunkwe kunsens meħtieġ mill-klijenti tagħhom.

Artikolu 39

Finalità tas-saldu

1.   CSD għandu jiżgura li s-sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera toffri protezzjoni adegwata għall-parteċipanti. L-Istati Membri għandhom jinnominaw u jinnotifikaw is-sistemi ta’ saldu tat-titoli operati mis-CSDs skont il-proċeduri msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE.

2.   CSD għandu jiżgura li kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jopera tiddefinixxi l-mumenti tal-introduzzjoni u tal-irrevokabbiltà tal-ordnijiet ta’ trasferiment f’dik is-sistema ta’ saldu tat-titoli f’konformità mal-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 98/26/KE.

3.   CSD għandu jiddivulga r-regoli li jirregolaw il-finalità tat-trasferimenti ta’ titoli u flus kontanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-konnessjonijiet ta’ CSD u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 8 tal-Artikolu 48.

5.   CSD għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jiżgura li, f’konformità mar-regoli msemmija fil-paragrafu 3, il-finalità tat-trasferimenti ta’ titoli u flus kontanti msemmija fil-paragrafu 3 tintlaħaq jew fil-ħin reali jew fl-istess jum u fi kwalunke każ mhux aktar tard mit-tmiem tal-jum ta’ xogħol tad-data attwali tas-saldu.

6.   Fejn is-CSD joffri s-servizzi msemmija fl-Artikolu 40(2), huwa għandu jiżgura li r-rikavati fi flus kontanti ta’ saldu ta’ titoli għandu jkun disponibbli għar-riċevituri biex jużawhom mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ xogħol tad-data prevista tas-saldu.

7.   It-transazzjonijiet kollha ta’ titoli għal flus kontanti bejn parteċipanti diretti f’sistema ta’ saldu ta’ titoli operata minn CSD u saldati f’dik is-sistema ta’ saldu ta’ titoli għandhom jiġu saldati fuq il-bażi ta’ DVP.

Artikolu 40

Saldu fi flus

1.   Għal transazzjonijiet denominati fil-munita tal-pajjiż fejn isir is-saldu, CSD għandu jissalda l-pagamenti fi flus tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ bank ċentrali tal-ħruġ tal-munita rilevanti fejn dan ikun prattiku u disponibbli.

2.   Fejn ma jkunx prattiku u disponibbli li jiġu saldati f’kontijiet ta’ bank ċentrali, kif previst fil-paragrafu 1, CSD jista’ joffri li jsalda l-pagamenti fi flus għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli kollha tiegħu, jew parti minnhom, permezz ta’ kontijiet miftuħa ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji. Jekk CSD joffri li jsalda f’kontijiet miftuħa ma’ istituzzjoni ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji, dan għandu jagħmel hekk skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV.

3.   CSD għandu jiżgura li kull informazzjoni mogħtija lill-parteċipanti fis-suq, dwar ir-riskji u l-ispejjeż marbuta ma’ saldu fil-kontijiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji, tkun ċara, ekwa u mhux qarrieqa. CSD għandu jagħmel disponibbli għall-klijenti jew klijenti potenzjali biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jevalwaw ir-riskji u l-ispejjeż marbuta ma’ saldu fil-kontijiet ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew permezz ta’ kontijiet proprji u għandu jipprovdi dik l-informazzjoni fuq talba.

Artikolu 41

Proċeduri u regoli dwar l-inadempjenza tal-parteċipanti

1.   Għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jkollu regoli u proċeduri effettivi u definiti b’mod ċar sabiex jimmaniġġja l-inadempjenza ta’ parteċipant wieħed jew iktar tiegħu sabiex jiġi żgurat li s-CSD jista’ jieħu azzjoni f’waqtha sabiex jillimita t-telf u l-pressjonijiet fuq il-likwidità u jkompli jilħaq l-obbligi tiegħu.

2.   CSD għandu jqiegħed ir-regoli u l-proċeduri rilevanti tiegħu dwar l-inadempjenza għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

3.   Flimkien mal-parteċipanti tiegħu u partijiet interessati rilevanti oħrajn, CSD għandu jwettaq ittestjar u reviżjoni perjodiċi tal-proċeduri tiegħu dwar l-inadempjenza sabiex jiżgura li jkunu prattiċi u effettivi.

4.   Sabiex tiżgura applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 4

Rekwiżiti prudenzjali

Artikolu 42

Rekwiżiti ġenerali

CSD għandu jadotta qafas ta’ ġestjoni tar-riskji solidu sabiex jimmaniġġja b’mod komprensiv ir-riskji legali, tan-negozju, operazzjonali u riskji diretti jew indiretti oħrajn, inkluż miżuri għat-taffija tal-frodi u n-negliġenza.

Artikolu 43

Riskji legali

1.   Għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tiegħu, kif ukoll għat-tagħrif tal-klijenti tiegħu, CSD għandu jkollu regoli, proċeduri, u kuntratti li huma ċari u li jistgħu jinftiehmu għas-sistemi tas-saldu tat-titoli kollha li jħaddem u s-servizzi l-oħra kollha li jipprovdi.

2.   CSD għandu jfassal ir-regoli, il-proċeduri u l-kuntratti tiegħu sabiex dawn ikunu infurzabbli fil-ġurisdizzjonijiet rilevanti kollha, anki f’każ ta’ inadempjenza ta’ parteċipant.

3.   CSD li jwettaq negozju f’ġurisdizzjonijiet differenti għandu jieħu l-passi kollha raġonevoli biex jidentifika u jimmitiga r-riskji li jirriżultaw minn konflitti potenzjali fil-liġi bejn il-ġurisdizzjonijiet.

Artikolu 44

Riskju ġenerali tan-negozju

CSD għandu jkollu sistemi robusti ta’ ġestjoni u kontroll kif ukoll għodod tal-IT sabiex jidentifika, iwettaq monitoraġġ u jimmaniġġja r-riskji ġenerali tan-negozju, inklużi t-telf mill-eżekuzzjoni batuta tal-istrateġija tan-negozju, il-flussi tal-flus kontanti u l-ispejjeż tal-operat.

Artikolu 45

Riskji operazzjonali

1.   CSD għandu jidentifika s-sorsi ta’ riskju operazzjonali, kemm intern kif ukoll estern, u jimminimizza l-impatt tagħhom permezz tal-użu ta’ għodod tal-IT, kontrolli u proċeduri xierqa, inklużi għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli kollha li jħaddem.

2.   CSD għandu jżomm l-għodod tal-IT xierqa li jiżguraw grad għoli ta’ sigurtà u affidabbiltà operazzjonali, u li għandhom kapaċità adegwata. Għodod tal-IT għandhom jindirizzaw b’mod adegwat il-kumplessità, il-varjetà u t-tip ta’ servizzi u attivitajiet imwettqa sabiex jiġu żgurati standards għoljin ta’ sigurtà, u integrità u kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma.

3.   Għas-servizzi li jipprovdi kif ukoll għal kull sistema ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm politika ta’ kontinwità tax-xogħol adegwata u pjan ta’ rkupru minn diżastri sabiex tiġi żgurata l-preservazzjoni tas-servizzi tiegħu, l-irkupru fil-pront tal-operazzjonijiet u t-twettiq tal-obbligi tas-CSD fil-każ ta’ avvenimenti li jġibu riskju sinifikanti ta’ waqfien tal-operazzjonijiet.

4.   Il-pjan imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jipprevedi l-irkupru tat-transazzjonijiet u l-pożizzjonijiet tal-parteċipanti kollha fil-mument tat-tfixkil biex jippermetti lill-parteċipanti ta’ CSD jkomplu joperaw b’ċertezza u jtemmu s-saldu fid-data prevista, inkluż billi jiżgura li s-sistemi kritiċi tal-IT jkunu jistgħu jissoktaw l-operazzjonijiet minnufih mill-mument tal-waqfien. Għandu jinkludi l-istabbiliment tat-tieni sit għall-ipproċessar b’riżorsi, kapaċitajiet, u funzjonijiet suffiċjenti u arranġamenti adatti tal-persunal.

5.   Is-CSD għandu jippjana u jwettaq programm ta’ testijiet tal-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4.

6.   CSD għandu jidentifika, iwettaq monitoraġġ u jimmaniġġja r-riskji li l-parteċipanti ewlenin fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, kif ukoll il-fornituri tas-servizz u l-utilitajiet, u CSDs oħrajn jew infrastrutturi oħrajn tas-suq jistgħu jġibu magħhom għat-tħaddim tiegħu. Għandu, fuq talba, jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti b’informazzjoni dwar kwalunkwe riskju identifikat bħal dan.

Għandu wkoll jgħarraf mingħajr dewmien lill-awtoritàkompetenti u l-awtoritajiet rilevanti bi kwalunkwe inċident operazzjonali li jirriżulta minn tali riskji.

7.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika r-riskji operazzjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 6 u l-metodi sabiex tittestja, tindirizza jew timminimizza dawk ir-riskji, inklużi l-politika ta’ kontinwità tax-xogħol u l-pjanijiet ta’ rkupru minn diżastri msemmija fil-paragrafi 3 u 4 u l-metodi ta’ valutazzjoni tagħhom.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 46

Politika tal-investiment

1.   CSD għandu jżomm l-assi finanzjarji tiegħu f’banek ċentrali, istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati jew CSDs awtorizzati.

2.   CSD għandu jkollu aċċess fil-pront għall-assi tiegħu, fejn ikun meħtieġ.

3.   CSD għandu jinvesti r-riżorsi finanzjarji tiegħu unikament fi flus kontanti jew fi strumenti finanzjarji likwidi ħafna b’riskju tas-suq u tal-kreditu minimi. Dawk l-investimenti għandhom ikunu kapaċi jiġu likwidati malajr b’effett negattiv minimu fuq il-prezz.

4.   L-ammont ta’ kapital, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CSD li ma jkunux investiti skont il-paragrafu 3, ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tal-Artikolu 47(1).

5.   CSD għandu jiżgura li l-iskoperturi għar-riskju ġenerali tiegħu għal kwalunkwe istituzzjoni ta’ kreditu individwali awtorizzata jew CSD individwali awtorizzat li magħhom huwa jżomm l-assi finanzjarji proprji tiegħu jibqgħu f’limiti ta’ konċentrazzjoni aċċettabbli.

6.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-EBA u l-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu kkunsidrati li huma likwidi ħafna b’riskju tas-suq u tal-kreditu minimi kif imsemmi fil-paragrafu 3, il-perijodu ta’ żmien adatt għall-aċċess tal-assi msemmi fil-paragrafu 2 u l-limiti ta’ konċentrazzjoni kif imsemmija fil-paragrafu 5. Tali abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom, fejn ikun adatt, ikunu allinjati mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 47(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 47

Rekwiżiti ta’ kapital

1.   Il-kapital, flimkien mal-qligħ imfaddal u r-riżervi ta’ CSD, għandu jkun proporzjonali għar-riskji mill-attivitajiet tas-CSD. Għandu jkun il-ħin kollu biżżejjed sabiex:

(a)

jiżgura li s-CSD jkun adegwatament protett kontra riskji operazzjonali, legali, tal-kustodja, tal-investiment u tan-negozju sabiex is-CSD jkun jista’ jibqa’ jipprovdi servizzi bħala negozju attiv;

(b)

jiżgura stralċ jew ristrutturar ordinat tal-attivitajiet tas-CSD fuq perijodu ta’ żmien adatt għal minimu ta’ sitt xhur f’medda ta’ xenarji ta’ stress.

2.   CSD għandu jkollu pjan għal dan li ġej:

(a)

il-ġbir ta’ kapital addizzjonali jekk il-kapital tal-ekwità tiegħu jersaq viċin jew jaqa’ taħt ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1;

(b)

l-iżgurar tal-istralċ jew ristrutturazzjoni ordinati tal-operazzjonijiet u s-servizzi tiegħu fejn is-CSD ma jkunx jista’ jiġbor kapital ġdid.

Il-pjan għandu jiġi approvat mill-korp maniġerjali jew kumitat adatt tal-korp maniġerjali u jiġi aġġornat regolarment. Kull aġġornament tal-pjan għandu jiġi pprovdut lill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tista’ tesiġi lis-CSD jieħu miżuri addizzjonali jew jagħmel dispożizzjonijiet alternattivi fejn l-awtorità kompetenti tikkunsidra li l-pjan tas-CSD huwa insuffiċjenti.

3.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-rekwiżiti rigward il-kapital, il-qligħ miżmum u r-riżervi ta’ CSD msemmija fil-paragrafu 1.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Taqsima 5

Rekwiżiti għall-konnessjonijiet tas-CSD

Artikolu 48

Konnessjonijiet tas-CSDs

1.   Qabel ma jistabbilixxu konnessjoni ta’ CSD u fuq bażi kontinwa ladarba tkun stabbilita l-konnessjoni ta’ CSD, is-CSDs kollha kkonċernati għandhom jidentifikaw, jivvalutaw, iwettqu monitoraġġ u jimmaniġġjaw is-sorsi potenzjali kollha ta’ riskju għalihom stess u għall-parteċipanti tagħhom li jinħolqu mill-konnessjoni ta’ CSD u jieħdu l-miżuri adatti biex jimmitigawhom.

2.   CSDs li jkunu beħsiebhom jistabbilixxu konnessjonijiet għandhom iressqu applikazzjoni għal awtorizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba kif mitlub skont il-punt (e) tal-Artikolu 19(1) jew jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti u rilevanti tas-CSD li jagħmel it-talba kif mitlub skont l-Artikolu 19(5).

3.   Konnessjoni għandha tipprovdi protezzjoni adegwata lis-CSDs konnessi u lill-parteċipanti tagħhom, partikolarment fir-rigward ta’ krediti possibbli meħuda mis-CSDs u tar-riskji ta’ konċentrazzjoni u likwidità b’riżultat tal-arranġament ta’ konnessjoni.

Konnessjoni għandha tkun sostnuta b’arranġament kuntrattwali xieraq li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi rispettivi tas-CSDs konnessi u, fejn ikun meħtieġ, tal-parteċipanti tas-CSDs. Arranġament kuntrattwali b’implikazzjonijiet transġurisdizzjonali għandu jipprevedi għażla bla ambigwità tal-liġi li tirregola kull aspett tal-operazzjonijiet tal-konnessjoni.

4.   Fil-każ ta’ trasferiment proviżorju ta’ titoli bejn CSDs konnessi, għandu jkun projbit trasferiment mill-ġdid tat-titoli qabel ma l-ewwel trasferiment isir finali.

5.   CSD li juża konnessjoni indiretta jew intermedjarja sabiex iħaddem konnessjoni ta’ CSD ma’ CSD ieħor għandu jkejjel, iwettaq monitoraġġ u jimmaniġġja r-riskji addizzjonali li jinħolqu mill-użu ta’ dik il-konnessjoni indiretta jew l-intermedjarja u jieħu l-miżuri adatti biex jimmitigahom.

6.   CSDs konnessi għandu jkollhom proċeduri ta’ rikonċiljazzjoni robusti sabiex jiżguraw li r-reġistri rispettivi tagħhom ikunu preċiżi.

7.   Il-konnessjonijiet bejn CSDs għandhom jippermettu s-saldu DVP ta’ tranżazzjonijiet bejn parteċipanti f’CSDs konnessi, fejn dan ikun prattikabbli u fattibbli. Ir-raġunijiet dettaljati għal kwalunkwe konnessjoni CSD li ma tippermettix saldu DVP għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet rilevanti u kompetenti.

8.   Sistemi ta’ saldu tat-titoli interoperabbli u CSDs, li jużaw infrastruttura tas-saldu komuni għandhom jistabbilixxu mumenti identiċi ta’:

(a)

l-entrata ta’ ordnijiet ta’ trasferiment fis-sistema;

(b)

l-irrevokabbiltà tal-ordnijiet tat-trasferiment.

Is-sistemi ta’ saldu tat-titoli u s-CSDs imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jużaw regoli ekwivalenti rigward il-mument tal-finalità tat-trasferimenti tat-titoli u l-flus kontanti.

9.   Sat-18 ta’ Settembru 2019 il-konnessjonijiet kollha interoperabbli bejn CSDs li joperaw fi Stati Membri għandhom ikunu, fejn dan japplika, konnessjonijiet li jsostnu s-saldu DVP.

10.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 li skont huma kull tip ta’ arranġament ta’ konnessjoni jipprevedi protezzjoni adegwata tas-CSDs konnessi u tal-parteċipanti tagħhom, partikolarment fejn CSD jkollu ħsieb jipparteċipa fis-sistema tas-saldu tat-titoli mħaddma minn CSD oħra, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tar-riskji addizzjonali msemmija fil-paragrafu 5 li ġejjin mill-użu tal-intermedjarji, il-metodi ta’ rikonċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, il-każijiet fejn is-saldu DVP permezz tal-konnessjonijiet ta’ CSDs ikun prattiku u fattibbli kif previst fil-paragrafu 7 u l-metodi ta’ valutazzjoni tagħhom.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Hija delegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

Aċċess għas-CSDs

Taqsima 1

Aċċess ta’ emittenti għal CSDs

Artikolu 49

Libertà ta’ emissjoni f’CSD awtorizzat fl-Unjoni

1.   Emittent għandu jkollu d-dritt li jagħmel arranġamenti sabiex it-titoli tiegħu li jkunu ġew aċċettati biex jiġu negozjati fi swieq regolati jew MTFs jew negozjati f’ċentri ta’ negozjar jiġu rreġistrati fi kwalunkwe CSD stabbilit fi kwalunkwe Stat Membru, soġġett għall-konformità minn dak is-CSD mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23.

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-emittent imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru li taħtu huma kostitwiti t-titoli għandhom jibqgħu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi kompilata lista ta’ dispożizzjonijiet rilevanti ewlenin tal-liġi tagħhom, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw dik il-lista lill-ESMA sat-18 ta’ Diċembru 2014. L-ESMA għandha tippubblika l-lista sat-18 ta’ Jannar 2015.

Is-CSD jista’ jitlob il-ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għall-għoti tas-servizzi tiegħu lill-emittenti fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx qbil ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

2.   Fejn emittent jippreżenta talba biex jirreġistra t-titoli tiegħu f’CSD, dan tal-aħħar għandu jittratta din it-talba minnufih u b’mod mhux diskriminatorju u jipprovdi tweġiba lill-emittent li jagħmel it-talba fi żmien tliet xhur.

3.   CSD jista’ jirrifjuta milli jipprovdi servizzi lil emittent. Rifjut bħal dan jista’ jkun ibbażat biss fuq valutazzjoni tar-riskji komprensiva jew jekk dak is-CSD ma jipprovdix is-servizzi msemmija fil-punt (1) tat-Taqsima A tal-Anness fir-rigward tat-titoli kostitwiti taħt il-liġi korporattiva jew liġi simili tal-Istat Membru rilevanti.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (26), fejn CSD jirrifjuta li jipprovdi servizzi lil emittent, dan għandu jipprovdi lill-emittent li qed jagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ bil-miktub għar-rifjut tiegħu.

F’każ ta’ rifjut, l-emittent li jagħmel it-talba għandu jkollu d-dritt li jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li jirrifjuta li jipprovdi s-servizzi tiegħu.

L-awtorità kompetenti ta’ dak is-CSD għandha teżamina l-ilment kif dovut billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut ipprovduti mis-CSD u għandha tipprovdi lill-emittent bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tas-CSD għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-emittent li jagħmel it-talba dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn l-awtorità kompetenti tal-post tal-istabbiliment tal-emittent li jagħmel it-talba ma taqbilx ma’ dik il-valutazzjoni, kwalunkwe waħda miż-żewġ awtoritajiet kompetenti jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD li jipprovdi s-servizzi tiegħu lil emittent titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti responsabbli għandha toħroġ ordni fejn tesiġi li s-CSD jipprovdi s-servizzi tiegħu lill-emittent li għamel it-talba.

5.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u l-awtoritajiet kompetenti li jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafi 3 u 4, u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 2

Aċċess bejn CSDs

Artikolu 50

Aċċess permezz ta’ konnessjoni standard

CSD għandu jkollu d-dritt li jsir parteċipant f’CSD ieħor u jistabbilixxi konnessjoni standard ma’ dak is-CSD skont l-Artikolu 33 u soġġett għal notifika minn qabel tal-konnessjoni ta’ CSD stipulata fl-Artikolu 19(5).

Artikolu 51

Aċċess permezz ta’ konnessjoni personalizzata

1.   Fejn CSD jitlob lil CSD ieħor sabiex jiżviluppa konnessjoni personalizzatabiex ikollu aċċess għal dan tal-aħħar, is-CSD li jirċievi t-talba għandu jiċħad din it-talba biss fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet tar-riskji. Ma għandux jiċħad talba għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq.

2.   Is-CSD li jirċievi t-talba jista’ jitlob ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli fuq il-bażi ta’ kost b’addenda lis-CSD li jagħmel it-talba talli jagħmel disponibbli l-aċċess permezz ta’ konnessjoni personalizzata, dment li ma jsirx qbil mod ieħor miż-żewġ partijiet.

Artikolu 52

Proċedura għall-konnessjonijiet tas-CSD

1.   Meta CSD jippreżenta talba għal aċċess lil CSD ieħor skont l-Artikoli 50 u 51, dan tal-aħħar għandu jittratta din it-talba minnufih u għandu jipprovdi tweġiba lis-CSD li jagħmel it-talba fi żmien tliet xhur.

2.   CSD għandu jiċħad l-aċċess lil CSD li jitolbu fil-każ biss fejn dan l-aċċess ikun jhedded il-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku. Dan ir-rifjut għandu jkun ibbażat biss fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskju.

Fejn CSD jiċħad l-aċċess, għandu jipprovdi lis-CSD li jagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ għar-rifjut tiegħu.

F’każ ta’ rifjut, is-CSD li jagħmel it-talba għandu d-dritt li jilmenta mal-awtorità kompetenti tas-CSD li ċaħad milli jagħti aċċess.

L-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha teżamina l-ilment kif dovut billi tivvaluta r-raġunijiet għar-rifjut u għandha tipprovdi lis-CSD li jagħmel it-talba bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha tikkonsulta l-awtorità kompetenti tas-CSD li jagħmel it-talba u l-awtorità rilevanti tas-CSD li jagħmel it-talba msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tas-CSD li jagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut mis-CSD milli jagħti aċċess lis-CSD li jagħmel it-talba titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti tas-CSD li jirċievi t-talba għandha toħroġ ordni sabiex dak is-CSD jagħti aċċess lis-CSD li jagħmel it-talba.

3.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 2 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 3

Aċċess bejn CSD u infrastruttura oħra tas-suq

Artikolu 53

Aċċess bejn CSD u infrastruttura oħra tas-suq

1.   CCP u ċentru tan-negozjar għandhom jipprovdu aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti lil CSD fuq talba mis-CSD u jistgħu jitolbu ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għal dawn l-aġġornamenti dwar it-tranżazzjonijiet lis-CSD li jagħmel it-talba fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx ftehim ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

CSD għandu jipprovdi aċċess għas-sistemi ta’ saldu tat-titoli tiegħu fuq bażi nondiskriminatorja u trasparenti lil CCP jew ċentru tan-negozjar u jista’ jitlob il-ħlas ta’ tariffa kummerċjali raġonevoli għal dan l-aċċess fuq il-bażi ta’ kost b’addenda, sakemm ma jsirx ftehim ieħor bejn iż-żewġ partijiet.

2.   Meta parti tippreżenta talba għal aċċess lil parti oħra skont il-paragrafu 1, din it-talba għandha tiġi indirizzata minnufih u fi żmien tliet xhur għandha tiġi pprovduta tweġiba lill-parti li tagħmel it-talba.

3.   Il-parti riċeventi għandha tiċħad aċċess biss fejn dan l-aċċess ikun jaffettwa l-funzjonament bla xkiel u ordnat tas-swieq finanzjarji jew jikkawża riskju sistemiku. Ma għandhiex tiċħad talba għal raġunijiet ta’ telf ta’ sehem mis-suq.

Parti li tirrifjuta aċċess għandha tipprovdi lill-parti li tagħmel it-talba r-raġunijiet sħaħ bil-miktub għal rifjut bħal dan ibbażati fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskji. F’każ ta’ rifjut, il-parti li tagħmel it-talba għandha d-dritt li tilmenta mal-awtorità kompetenti tal-parti li ċaħdet l-aċċess.

L-awtorità kompetenti tal-parti riċeventi u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) għandhom jeżaminaw l-ilment kif dovut billi jivvalutaw ir-raġunijiet għaċ-ċaħda u għandhom jipprovdu lill-parti li tagħmel it-talba bi tweġiba motivata.

L-awtorità kompetenti tal-parti riċeventi għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti tal-parti li tagħmel it-talba u l-awtorità rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 12(1) dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ilment. Fejn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet tal-parti li tagħmel it-talba ma taqbilx mal-valutazzjoni pprovduta, kull waħda minnhom tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA, li tista’ taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn ir-rifjut minn parti milli tagħti aċċess titqies li hija inġustifikata, l-awtorità kompetenti responsabbli għandha toħroġ ordni lil dik il-parti tagħti biex tagħti aċċess għas-servizzi tagħha fi żmien tliet xhur.

4.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw ir-riskji li għandhom jitqiesu mis-CSDs meta jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskji, u mill-awtoritajiet kompetenti meta jivvalutaw ir-raġunijiet għar-rifjut skont il-paragrafu 3 u l-elementi tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi formoli u mudelli standard għall-proċedura msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi konferita setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

TITOLU IV

FORNIMENT TA’ SERVIZZI ANĊILLARI TA’ TIP BANKARJU GĦAL PARTEĊIPANTI TA’ CSD

Artikolu 54

Awtorizzazzjoni u nomina għall-forniment ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.   CSD ma għandux huwa stess jipprovdi xi servizzi anċillari ta’ tip bankarju stabbiliti fit-Taqsima C tal-Anness dment li ma jkunx kiseb awtorizzazzjoni addizzjonali biex jipprovdi servizzi bħal dawn skont dan l-Artikolu.

2.   CSD li jkun beħsiebu jsalda l-parti ta’ flus kontanti tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tiegħu kollha, jew parti minnha, skont l-Artikolu 40(2) jew inkella jixtieq jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun awtorizzat li jew:

(a)

joffri tali servizzi huwa stess skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’dan l-Artikolu; jew

(b)

jinnomina għal dik il-fini istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata waħda jew iktar skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   Meta CSD jfittex li jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju mill-istess entità legali bħal dik li topera s-sistema ta’ saldu tat-titoli, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

is-CSD huwa awtorizzat bħala istituzzjoni ta’ kreditu kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

is-CSD jissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali kif stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji stabbiliti fl-Artikolu 60;

(c)

l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) ta’ dan is-subparagrafu tintuża biss biex jingħataw is-servizzi anċillari ta’ tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness, u mhux jitwettqu xi attivitajiet oħra;

(d)

is-CSD hu soġġett għal surcharge addizzjonali fuq il-kapital li jirrifletti r-riskji, inklużi r-riskji għall-kreditu u l-likwidità, li jirriżultaw mill-għoti ta’ kreditu ta’ matul l-istess jum, fost oħrajn, lill-parteċipanti f’sistema ta’ saldu ta’ titoli jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD;

(e)

is-CSD jirrapporta mill-inqas ta’ kull xahar lill-awtorità kompetenti u kull sena bħala parti mill-iżvelar pubbliku tiegħu kif meħtieġ skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-portata u l-ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità matul l-istess jum skont il-punt (j) tal-Artikolu 59(4) ta’ dan ir-Regolament;

(f)

is-CSD jkun ippreżenta lill-awtorità kompetenti pjan adegwat ta’ rkupru biex jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tiegħu, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-likwidità jew tal-kreditu jikkristallizza bħala riżultat tal-provvista ta’ servizzi anċillari ta’ tip bankarju.

Fil-każ ta’ dispożizzjonijiet konfliġġenti stipulati f’dan ir-Regolament, fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE, is-CSD msemmi fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandu jikkonforma mar-rekwiżiti aktar stretti dwar superviżjoni prudenzjali. L-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-Artikoli 47 u 59 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiċċaraw il-każijiet ta’ dispożizzjonijiet konfliġġenti.

4.   Meta CSD jfittex li jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu sabiex jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju mill-istess entità legali separata li tista’ tkun parti mill-istess grupp ta’ impriżi li fl-aħħar mill-aħħar huma kontrollati mill-istess impriża prinċipali jew le, l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tingħata biss meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità legali separata tkun awtorizzata bħala istituzzjoni ta’ kreditu kif previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

l-entità legali separata tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali stipulati flArtikolu 59(1), (3) u (4) u r-rekwiżiti superviżorji stipulati fl-Artikolu 60;

(c)

l-entità legali separata ma twettaqx hija stess xi wieħed mis-servizzi ewlenin imsemmija fit-Taqsima A tal-Anness;

(d)

l-awtorizzazzjoni msemmija fil-punt (a) tintuża biss biex jingħataw is-servizzi anċillari ta’ tip bankarju msemmija fit-Taqsima C tal-Anness, u mhux biex titwettaq xi attività oħra;

(e)

l-entità legali separata hi soġġetta għal surcharge addizzjonali fuq il-kapital li jirrifletti r-riskji, inklużi r-riskji għall-kreditu u l-likwidità, li jirriżultaw mill-għoti ta’ kreditu ta’ matul l-istess jum, fost oħrajn, lill-parteċipanti ta’ sistema ta’ saldu ta’ titoli jew utenti oħra tas-servizzi tas-CSD;

(f)

l-entità legali separata tirrapporta mill-inqas ta’ kull xahar lill-awtorità kompetenti u kull sena bħala parti mill-iżvelar pubbliku tagħha kif meħtieġ skont il-Parti Tmienja tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar il-portata u l-ġestjoni tar-riskju ta’ likwidità matul l-istess jum skont il-punt (j) tal-Artikolu 59(4) ta’ dan ir-Regolament; u

(g)

l-entità legali separata tkun ippreżentat lill-awtorità kompetenti pjan adegwat ta’ rkupru li jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet kritiċi tagħha, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju tal-likwidità jew tal-kreditu jikkristallizza bħala riżultat tal-provvista ta’ servizzi anċillari tat-tip bankarji mill-istess entità legali separata.

5.   Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għal istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 li joffru li jsaldu l-pagamenti fi flus kontanti għal parti tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tas-CSD, jekk il-valur totali ta’ saldu bħal dan fi flus kontanti permezz ta’ kontijiet li nfetħu ma’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, ikkalkulat fuq perijodu ta’ sena, ikun anqas minn wieħed fil-mija tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet kollha tat-titoli mqabbel ma’ flus kontanti saldati fil-kotba tas-CSD u ma jeċċedix massimu ta’ EUR 2,5 biljun kull sena.

L-awtorità kompetenti għandha tagħmel monitoraġġ tal-anqas darba fis-sena li l-limitu definit fl-ewwel subparagrafu jiġi rispettat u tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-ESMA. Meta l-awtorità kompetenti tiddetermina li jkun inqabeż il-limitu, għandha titlob lis-CSD sabiex ifittex awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 4. Is-CSD kkonċernat għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni fi żmien sitt xhur.

6.   L-awtorità kompetenti tista’ tesiġi li CSD jinnomina iktar minn istituzzjoni ta’ kreditu waħda, jew jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu minbarra li jipprovdi s-servizzi huwa stess, skont il-punt (a) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, meta tqis li l-espożizzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu waħda għall-konċentrazzjoni ta’ riskji skont l-Artikolu 59(3) u (4) mhix imtaffija biżżejjed. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati għandhom jitqiesu li huma aġenti tas-saldu.

7.   CSD awtorizzat li jipprovdi kwalunkwe servizz anċillari ta’ tip bankarju u istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom jikkonformaw f’kull ħin mal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament u għandhom, mingħajr dewmien, jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe tibdil sostantiv li jaffettwa l-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

8.   L-EBA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tiddetermina s-surcharge addizzjonali fuq il-kapital ibbażat fuq ir-riskji msemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3 u l-punt (e) tal-paragrafu 4.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 55

Proċedura għall-għoti u ċ-ċaħda ta’ awtorizzazzjoni sabiex jingħataw servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.   Is-CSD għandu jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-awtorizzazzjoni biex jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu jew biex jipprovdi kwalunkwe servizzi anċillari ta’ tip bankarju, kif meħtieġ skont l-Artikolu 54, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.

2.   L-applikazzjoni għandu jkun fiha t-tagħrif kollu li huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-awtorità kompetenti taċċerta ruħha li s-CSD u, meta jkun applikabbli, l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata jkunu stabbilixxew, fi żmien l-awtorizzazzjoni, l-arranġamenti meħtieġa kollha sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulati f’dan ir-Regolament. Għandu jkun fiha programm tal-operazzjonijiet li jistabbilixxi s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju previsti, l-organizzazzjoni strutturali tar-relazzjonijet bejn is-CSD u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominata, meta jkun applikabbli, u kif dak is-CSD jew meta jkun applikabbli l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata jkun beħsiebhom jilħqu r-rekwiżiti prudenzjali kif stipulati fl-Artikolu 59(1), (3) u (4) u l-kondizzjonijiet l-oħra stipulati fl-Artikolu 54.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tapplika l-proċedura skont l-Artikolu 17(3) u (8).

4.   Mill-mument meta l-applikazzjoni titqies kompluta, l-awtorità kompetenti għandha tittrasmetti t-tagħrif kollu inkluż fl-applikazzjoni lill-awtoritajiet li ġejjin:

(a)

l-awtoritajiet rilevanti;

(b)

l-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri fejn is-CSD jkun stabbilixxa konnessjonijiet interoperabbli ma’ CSD ieħor minbarra fejn is-CSD jkun stabbilixxa konnessjonijiet interoperabbli msemmija fl-Artikolu 19(5);

(d)

l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti fejn l-attivitajiet tas-CSD huma ta’ importanza sostanzjali għall-funzjonament tas-swieq tat-titoli u għall-protezzjoni tal-investituri skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4);

(e)

l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tal-parteċipanti tas-CSD li huma stabbiliti fit-tliet Stati Membri bl-akbar valuri ta’ saldu fis-sistema ta’ saldu tat-titoli tas-CSD, fuq bażi aggregata matul perijodu ta’ sena;

(f)

l-ESMA; u

(g)

l-EBA.

5.   L-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4 għandhom joħorġu opinjoni motivata dwar l-awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum minn meta jirċievu t-tagħrif msemmi fil-paragrafu 4. Meta awtorità ma tagħtix opinjoni sa dik l-iskadenza, hija għandha titqies li għandha opinjoni favorevoli.

Meta tal-anqas waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4 toħroġ opinjoni motivata negattiva, l-awtorità kompetenti li tixtieq tagħti l-awtorizzazzjoni għandha, fi żmien 30 jum, tipprovdi lill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4 b’deċiżjoni motivata li tindirizza l-opinjoni negattiva.

Meta wara 30 jum minn meta tkun ġiet ippreżentata dik id-deċiżjoni xi waħda mill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4 toħroġ opinjoni negattiva u l-awtorità kompetenti xorta waħda tkun tixtieq tagħti l-awtorizzazzjoni, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet li ħarġet opinjoni negattiva tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-ESMA għall-assistenza skont il-punt (c) tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Meta l-kwistjoni ma tkunx ġiet solvuta 30 jum wara li ġiet riferuta lill-ESMA, l-awtorità kompetenti li tkun tixtieq tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tieħu d-deċiżjoni finali u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata bil-miktub tad-deċiżjoni tagħha lill-awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 4.

Meta l-awtorità kompetenti tkun tixtieq tirrifjuta l-awtorizzazzjoni, il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-ESMA.

Opinjonijiet negattivi għandhom jiddikjaraw bil-miktub ir-raġunijiet sħaħ u dettaljati għalfejn ir-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament jew f’partijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni ma ġewx issodisfati.

6.   Meta l-ESMA tqis li l-awtorità kompetenti tkun tat awtorizzazzjoni li tista’ ma tkunx konformi mal-liġi tal-Unjoni, hija għandha taġixxi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-EBA, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika t-tagħrif li s-CSD għandu jipprovdi lill-awtorità kompetenti għall-fini li jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet rilevanti sabiex jingħataw is-servizzi anċillari ta’ tip bankarju għas-saldu.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tas-SEBĊ u l-EBA, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 4 qabel ma tagħti l-awtorizzazzjoni.

L-ESMA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 56

Estensjoni tas-servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.   CSD li jkun beħsiebu jestendi s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju li għalihom huwa jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu jew li jipprovdi hu stess skont l-Artikolu 54 għandu jippreżenta talba għal estensjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.

2.   It-talba għal estensjoni għandha tkun soġġetta għall-proċedura fl-Artikolu 55.

Artikolu 57

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni jew miżura ta’ rimedju taħt it-Titolu V, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-CSD għandha tirtira l-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 54 fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn is-CSD ma jkunx għamel użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, espressament jirrinunzja l-awtorizzazzjoni jew fejn l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata ma tat l-ebda servizz u lanqas ma tkun wettqet xi attività fis-sitt xhur ta’ qabel;

(b)

fejn is-CSD jkun kiseb l-awtorizzazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn;

(c)

fejn is-CSD jew l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata ma jibqgħux jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati għall-għoti tal-awtorizzazzjoni u ma jkunux ħadu l-azzjonijiet ta’ rimedju mitluba mill-awtorità kompetenti fi żmien stabbilit;

(d)

fejn is-CSD jew l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata jkunu kisru r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament b’mod serju u sistematiku.

2.   Mill-mument li ssir konxja minn waħda miċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta immedjatament lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) dwar in-neċessità li tiġi rtirata l-awtorizzazzjoni.

3.   L-ESMA, kwalunkwe awtorità rilevanti skont il-punt (a) tal-Artikolu 12(1) u kwalunkwe awtorità msemmija fl-Artikolu 60(1) jew, rispettivament l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) tista’, fi kwalunkwe mument, titlob li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tas-CSD tivverifika jekk is-CSD u fejn ikun japplika l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata għadhomx jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stipulati għall-għoti tal-awtorizzazzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti tista’ tillimita l-irtirar għal servizz, attività, jew strument finanzjarju partikolari.

5.   CSD u l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċedura adegwata biex jiżguraw is-saldu f’waqtu u ordnat u t-trasferiment tal-assi tal-klijenti u l-parteċipanti lil aġent ieħor tas-saldu fil-każ tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 58

Reġistru tas-CSD

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 54, 56 u 57 għandhom jiġu nnotifikati lill-ESMA.

2.   L-ESMA għandha tintroduċi t-tagħrif li ġej fir-reġistru li hija meħtieġa tagħmel disponibbli fuq is-sit elettroniku ddedikat tagħha skont l-Artikolu 21(3):

(a)

isem kull CSD li kien soġġett għal deċiżjoni skont l-Artikoli 54, 56 u 57;

(b)

isem kull istituzzjoni ta’ kreditu nominata;

(c)

il-lista tas-servizzi anċillari ta’ tip bankarju li istituzzjoni ta’ kreditu nominata jew CSD awtorizzat skont l-Artikolu 54 hija awtorizzata tipprovdi għall-parteċipanti tas-CSD.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dawk l-entitajiet li jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju skont ir-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali sas-16 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 59

Rekwiżiti prudenzjali applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.   Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jipprovdu biss is-servizzi msemmija fit-Taqsima C tal-Anness li huma koperti mill-awtorizzazzjoni.

2.   Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2) sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw ma’ kull leġislazzjoni preżenti jew futura applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu.

3.   Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2), sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi li ġejjin għar-riskji tal-kreditu relatati ma’ dawk is-servizzi fir-rigward ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli:

(a)

għandha tistabbilixxi qafas robust sabiex tammaniġġja r-riskji ta’ kreditu korrispondenti;

(b)

għandha tidentifika s-sorsi ta’ dawn ir-riskji tal-kreditu, spiss u b’mod regolari, tkejjel u twettaq monitoraġġ tal-iskoperturi korrispondenti tal-kreditu u tuża għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskji sabiex tikkontrolla dawk ir-riskji;

(c)

għandha tkopri bis-sħiħ l-iskoperturi tal-kreditu korrispondenti għall-parteċipanti mutwatarji individwali billi tuża kollateral u riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħrajn;

(d)

jekk jintuża kollateral biex jimmaniġġja r-riskju korrispondenti tagħha ta’ kreditu, għandha taċċetta kollateral likwidu ħafna b’riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq; tista’ tuża tipi oħra ta’ kollateral f’sitwazzjonijiet speċifiċi jekk jiġi applikat telf impost adatt;

(e)

għandha tistabbilixxi u tapplika limiti konservattivi xierqa ta’ telf impost u konċentrazzjoni fuq valuri tal-kollaterali kostitwiti biex ikopru l-iskoperturi tal-kreditu msemmija fil-punt (c), b’kont meħud tal-objettiv li jiġi żgurat li l-kollateral jista’ jiġi likwidat fil-pront mingħajr effetti negattivi sinifikanti fuq il-prezz;

(f)

għandha tistipula limiti fuq l-iskoperturi tal-kreditu korrispondenti tagħha;

(g)

għandha tanalizza u tippjana kif tindirizza kwalunkwe skopertura tal-kreditu residwa potenzjali, u tadotta regoli u proċeduri biex timplimenta dawn il-pjanijiet;

(h)

għandha tipprovdi kreditu biss lil dawk il-parteċipanti li għandhom kontijiet tal-flus kontanti magħha;

(i)

għandha tipprevedi proċeduri ta’ rimborż effettiv ta’ kreditu ta’ dakinhar u tiskoraġġixxi l-kreditu ta’ matul l-istess jum permezz tal-applikazzjoni ta’ rati ta’ penali li jservu ta’ deterrent adegwat.

4.   Istituzzjoni ta’ kreditu nominata skont il-punt (b) tal-Artikolu 54(2) jew CSD awtorizzat skont il-punt (a) tal-Artikolu 54(2), sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi li ġejjin għar-riskji tal-likwidità relatati ma’ dawk is-servizzi fir-rigward ta’ kull sistema ta’ saldu tat-titoli:

(a)

għandu jkollha qafas u għodod robusti sabiex tkejjel, timmonitorja u tammaniġġja r-riskji tal-likwidità tagħha, inklużi r-riskji tal-likwidità matul l-istess jum, għal kull munita tas-sistema ta’ saldu ta’ titoli li għaliha hija taġixxi bħala aġent tas-saldu;

(b)

għandha tkejjel u twettaq monitoraġġ kontinwament u f’waqtu, mill-inqas kuljum, tal-ħtiġijiet tagħha ta’ likwidità u l-livell tal-assi likwidi li tippossjedi; u meta tagħmel hekk għandha tiddetermina l-valur tal-assi likwidi disponibbli tagħha b’kont meħud tat-telf impost xieraq fuq dawk l-assi;

(c)

għandu jkollha riżorsi ta’ likwidità biżżejjed fil-muniti rilevanti kollha għall-forniment ta’ servizzi ta’ saldu f’waqthom taħt firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet potenzjali ta’ stress inkluż, iżda mhux limitat għar-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-inadempjenza ta’ mill-anqas wieħed mill-parteċipanti, inklużi l-impriżi prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li hija tkun esposta l-aktar għalih;

(d)

għandha timmitiga r-riskji ta’ likwidità korrispondenti b’riżorsi ta’ likwidità kwalifikanti f’kull munita bħal flus kontanti fil-bank ċentrali tal-ħruġ u f’istituzzjonijiet finanzjarji kreditizji oħra, linji ta’ kreditu marbutin jew arranġamenti simili u kollateral jew investimenti likwidi ħafna li jkunu disponibbli minnufih u li jistgħu jiġu konvertiti fi flus kontanti permezz ta’ arranġamenti minn qabel u arranġamenti għal finanzjament affidabbli ħafna, anke f’kondizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli u għandha tidentifika, tkejjel u twettaq monitoraġġ tar-riskju tal-likwidità tagħha li jiġi mid-diversi istituzzjonijiet finanzjarji użati għall-ġestjoni tar-riskji ta’ likwidità tagħha;

(e)

fejn jintużaw arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti, għandha tagħżel biss istituzzjonijiet finanzjarji kreditizji bħala fornituri ta’ likwidità; għandha tistabbilixxi u tapplika limiti ta’ konċentrazzjoni xierqa għal kull wieħed mill-fornituri ta’ likwidità korrispondenti inklużi l-impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha;

(f)

għandha tiddetermina u tivverifika jekk ir-riżorsi korrispondenti humiex biżżejjed permezz ta’ ttestjar tal-istress regolari u rigoruż;

(g)

għandha tanalizza u tippjana kif tindirizza kwalunkwe nuqqas mhux previst u potenzjalment mhux kopert fil-likwidità, u tadotta regoli u proċeduri sabiex timplimenta dawn il-pjanijiet;

(h)

fejn ikun prattiku u disponibbli, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-bank ċentrali, għandu jkollha aċċess għall-kontijiet tal-bank ċentrali u servizzi oħra tal-bank ċentrali biex issaħħaħ il-ġestjoni tagħha tar-riskji ta’ likwidità u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-Unjoni għandhom jiddepożitaw il-bilanċi tal-flus kontanti korrispondenti f’kontijiet dedikati f’banek ċentrali emittenti tal-Unjoni;

(i)

għandu jkollha arranġamenti prestabbiliti u affidabbli ħafna biex tiżgura li tkun tista’ tillikwida f’waqtu l-kollateral ipprovdut lilha minn klijent inadempjenti;

(j)

għandha tirrapporta regolarment lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 60(1), u turi lill-pubblikut kif tkejjel, twettaq monitoraġġ u timmaniġġja r-riskji tal-likwidità tagħha, inklużi r-riskji tal-likwidità matul l-istess jum.

5.   F’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, l-EBA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar id-dettalji tal-oqfsa u l-għodod għall-monitoraġġ, il-kejl, il-ġestjoni, ir-rappurtar u d-divulgazzjoni pubblika tar-riskji ta’ kreditu u ta’ likwidità, inklużi dawk li jseħħu dakinhar, imsemmija fil-paragrafi 3 u 4. Tali abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom, fejn ikun adatt, ikunu allinjati mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

L-EBA għandha tippreżenta dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-18 ta’ Ġunju 2015.

Qiegħda tiġi ddelegata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

Artikolu 60

Superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 17 u 22 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu u għas-superviżjoni bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt il-kondizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u fid-Direttiva 2013/36/UE tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSDs awtorizzati taħt dan ir-Regolament biex jipprovdu servizzi anċillari tat-tip bankarju.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu responsabbli wkoll għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSDs imsemmija f’dak is-subparagrafu fir-rigward tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti prudenzjali msemmija fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-Regolament.

L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw regolarment, u tal-inqas darba fis-sena, jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu nominata jew is-CSD awtorizzat biex jipprovdi servizzi anċillari tat-tip bankarju jikkonformawx mal-Artikolu 59 u għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tas-CSD li għandha mbagħad tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) bir-riżultati, inkluż kwalunkwe azzjonijiet ta’ rimedju jew penali, tas-superviżjoni tagħha skont dan il-paragrafu.

2.   L-awtorità kompetenti tas-CSD għandha, wara li tikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1, teżamina u tevalwa mill-inqas darba fis-sena dawn li ġejjin:

(a)

fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 54(2), jekk l-arranġamenti kollha meħtieġa bejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati u s-CSD jippermettulhomx jissodisfaw l-obbligi tagħhom kif stipulati f’dan ir-Regolament;

(b)

fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 54(2), jekk l-arranġamenti dwar l-awtorizzazzjoni biex jingħataw servizzi anċillari tat-tip bankarju jippermettux lis-CSD jissodisfa l-obbligi tiegħu kif stipulati f’dan ir-Regolament.

B’mod regolari u tal-anqas darba f’sena, l-awtorità kompetenti tas-CSD għandha tgħarraf lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 55(4) dwar ir-riżultati, inkluż kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju jew penali, bl-eżami u l-evalwazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu.

Meta CSD jinnomina istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont l-Artikolu 54, bil-ħsieb tal-protezzjoni tal-parteċipanti fis-sistemi ta’ saldu tat-titoli li jħaddem, CSD għandu jiżgura li jkollu aċċess mill-istituzzjoni ta’ kreditu li jinnomina għat-tagħrif meħtieġ kollu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandu jirrapporta kwalunkwe ksur lill-awtorità kompetenti tas-CSD u lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Sabiex tiżgura superviżjoni konsistenti, effiċjenti u effettiva ġewwa l-Unjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-CSDs awtorizzati sabiex jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju, l-EBA tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u l-membri tas-SEBĊ, toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

TITOLU V

PENALI

Artikolu 61

Penali amministrattivi u miżuri oħra

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu pieni kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar u jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jimponu l-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli fiċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 63 għall-persuni responsabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn ikunu implimentati. Tali penali u miżuri oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal penali amministrattivi kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fejn il-ksur imsemmi f’dak is-subparagrafu huwa diġà soġġett għal pieni kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-18 ta’ Settembru 2016. Fejn jiddeċiedu hekk, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, lill-Kummissjoni u lill-ESMA, il-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.

Sat-18 ta’ Settembru 2016 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fl-ewwel subparagrafu lill-Kummissjoni u lill-ESMA. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien bla bżonn bi kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu japplikaw penali amministrattivi u miżuri oħra lis-CSDs, lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati, u, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali f’oqsma mhux armonizzati b’dan ir-Regolament, lill-membri tal-korpi maniġerjali tagħhom u lil kwalunkwe persuna oħra li effettivament tikkontrolla n-negozju tagħhom kif ukoll għal kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika oħra li tinżamm responsabbli għal ksur skont il-liġi nazzjonali.

3.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu penali fiċ-ċirkostanzi definiti fl-Artikolu 63, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jiżguraw li l-penali amministrattivi u miżuri oħra jipproduċu r-riżultati immirati minn dan ir-Regolament u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw kwalunkwe xogħol doppju jew sovrappożizzjoni meta japplikaw penali amministrattivi u miżuri oħra għal każijiet transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 14.

4.   Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, bi qbil mal-paragrafu 1, li jistabbilixxu pieni kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63, għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri adatti sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex iżommu kuntatt mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika b’rabta ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament u jipprovdu l-istess lil awtoritajiet kompetenti oħra u l-ESMA biex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u mal-ESMA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ penali pekunjarji.

6.   L-Istati Membri għandhom darba fis-sena jipprovdu lill-ESMA b’informazzjoni aggregata dwar il-penali u miżuri oħra kollha imposti skont il-paragrafu 1. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali.

Meta l-Istati Membri jkunu għażlu, bi qbil mal-paragrafu 1, li jistabbilixxu pieni kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 63, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom darba fis-sena jipprovdu lill-ESMA data anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha magħmula u l-pieni kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika f’rapport annwali data dwar il-pieni kriminali imposti.

7.   Meta l-awtorità kompetenti tkun ħabbret lill-pubbliku penali amministrattiva jew miżura amministrattiva jew piena kriminali, hija għandha, fl-istess ħin, tirrapporta dak il-fatt lill-ESMA.

8.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom skont l-oqfsa nazzjonali tagħhom:

(a)

direttament;

(b)

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħra;

(c)

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lill-entitajiet li lilhom ikunu ġew iddelegati kompiti skont dan ir-Regolament; jew

(d)

b’rikors lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

Artikolu 62

Pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw fis-sit web uffiċjali tagħhom kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattiva jew miżura oħra għal ksur ta’ dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed wara li l-persuna ppenalizzata tkun mgħarrfa b’dik id-deċiżjoni. Il-pubblikazzjoni għandha mill-inqas tinkludi tagħrif dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika li l-penali tkun ġiet imposta fuqha.

Meta d-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra tkun soġġetta għal appell quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji jew oħra rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien bla bżonn, jippubblikaw ukoll fuq is-siti web uffiċjali tagħhom tagħrif dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu. Barra minn dan, għandha tiġi ppubblikata wkoll kwalunkwe deċiżjoni li tannulla deċiżjoni preċedenti li tiġi imposta penali jew miżura.

Fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi jew tad-data personali tal-persuni fiżiċi titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti b’segwitu għall-valutazzjoni ta’ kull każ individwali mwettqa fir-rigward tal-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dik id-data, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

jipposponu l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra sal-mument meta r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ma jibqgħux jeżistu; jew

(b)

jippubblikaw id-deċiżjoni li tiġi imposta l-penali jew miżura oħra fuq bażi anonima b’mod li jkun konformi mal-liġi nazzjonali, jekk tali pubblikazzjoni anonima tkun tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata; jew

(c)

ma jippubblikawx id-deċiżjoni li tiġi imposta penali jew miżura oħra f’każ li l-għażliet mogħtija fil-punti (a) u (b) hawn fuq jitqiesu li huma insuffiċjenti biex jiżguraw:

(i)

li ma tiġix mhedda l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

(ii)

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawk id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri meqjusa bħala ta’ natura minuri.

Fil-każ ta’ deċiżjoni li tiġi ppubblikata penali jew miżura oħra fuq bażi anonima, il-pubblikazzjoni tad-data rilevanti tista’ tiġi posposta għal perijodu raġonevoli jekk jiġi previst li f’dak il-perijodu r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ma jkunux ser jibqgħu jeżistu.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-ESMA b’kull penali amministrattiva imposta iżda mhux ippubblikata f’konformità mal-punt (c) tat-tielet subparagrafu inkluż kwalunkwe appell b’rabta magħha u l-eżitu ta’ dan. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu informazzjoni u s-sentenza finali b’rabta ma’ kwalunkwe piena kriminali imposta u jippreżentawha lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm bażi ta’ data ċentrali ta’ penali ikkomunikati lilha għall-finijiet biss tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi ta’ data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe pubblikazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tibqa’ fuq is-sit web uffiċjali tagħhom għal tal-anqas ħames snin wara li tiġi ppubblikata. Id-data personali li tkun tinsab fil-pubblikazzjoni għandha tinżamm biss fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti għall-perijodu li jkun meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 63

Penali għal ksur

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-forniment ta’ servizzi msemmija fit-Taqsimiet A, B u C tal-Anness bi ksur tal-Artikoli 16, 25 u 54;

(b)

il-kisba tal-awtorizzazzjonijiet meħtieġa skont l-Artikoli 16 u 54 billi jsiru dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezzi illegali oħrajn kif previst fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) u fil-punt (b) tal-Artikolu 57(1);

(c)

nuqqas tas-CSDs milli jżommu l-kapital meħtieġ, bi ksur tal-Artikolu 47(1);

(d)

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti organizzattivi, bi ksur tal-Artikoli 26 sa 30;

(e)

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-regoli tal-kondotta tan-negozju, bi ksur tal-Artikoli 32 sa 35;

(f)

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għas-servizzi tas-CSD, bi ksur tal-Artikoli 37 sa 41;

(g)

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali, bi ksur tal-Artikoli 43 sa 47;

(h)

nuqqas tas-CSDs milli jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-konnessjonijiet tas-CSDs, bi ksur tal-Artikolu 48;

(i)

ċaħdiet abbużivi mis-CSDs milli jagħtu tipi differenti ta’ aċċess, bi ksur tal-Artikoli 49 sa 53;

(j)

nuqqas tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi relatati mar-riskji fuq il-kreditu, bi ksur tal-Artikolu 59(3);

(k)

nuqqas tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu nominati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti prudenzjali speċifiċi relatati mar-riskji tal-likwidità, bi ksur tal-Artikolu 59(4).

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti, tal-inqas f’każ ta’ ksur imsemmi f’dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li tal-inqas jimponu l-penali amministrattivi u-miżuri oħra li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna responsabbli mill-ksur u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 62;

(b)

ordni li tesiġi li l-persuna responsabbli mill-ksur ma tissoktax bil-kondotta u sabiex ma tirrepetix dik il-kondotta;

(c)

irtirar tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 16 jew 54, f’konformità mal-Artikolu 20 jew 57;

(d)

projbizzjoni temporanja jew, għal ksur serju ripetut, permanenti kontra kwalunkwe membru tal-korp maniġerjali tal-istituzzjoni jew kwalunkwe persuna fiżika oħra, li tkun miżmuma responsabbli, milli teżerċita funzjonijiet maniġerjali fl-istituzzjoni;

(e)

penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas id-doppju tal-ammonti tal-profitti miksuba b’riżultat ta’ ksur, fejn dawk l-ammonti jistgħu jiġu determinati;

(f)

fir-rigward ta’ persuna fiżika, penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas EUR 5 miljun jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(g)

f’każ ta’ persuna ġuridika, penali pekunjarji amministrattivi massimi ta’ mill-anqas EUR 20 miljun jew sa 10 % tal-fatturat totali annwali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp maniġerjali; meta l-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarju tal-impriża prinċipali li jkollha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati skont id-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat totali annwali rilevanti għandu jkun il-fatturat totali annwali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul skont id-Direttivi rilevanti tal-Kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija;

3.   L-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom setgħat oħrajn li jimponu penali b’żieda ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 2 u jistgħu jipprevedu livelli ogħla ta’ penali pekunjarji amministrattivi minn dawk stabbiliti f’dak il-paragrafu.

Artikolu 64

Applikazzjoni effettiva tal-penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ penali amministrattivi jew miżuri oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn ikun adatt:

(a)

il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-grad ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, pereżempju kif indikata mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew id-dħul annwali tal-persuna fiżika responsabbli;

(d)

l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(e)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(f)

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur.

Artikolu 65

Rapportar ta’ ksur

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jinkoraġġixxu r-rapportar ta’ ksur potenzjali jew reali ta’ dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.

2.   Bħala minimu, il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

(a)

proċeduri speċifiċi biex jiġu rċevuti u għall-investigazzjoni ta’ rapporti dwar ksur potenzjali jew reali u s-segwitu tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri għal dawk ir-rapporti;

(b)

protezzjoni adatta għall-impjegati tal-istituzzjonijiet li jirrapportaw ksur potenzjali jew reali mwettaq fl-istituzzjoni kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni jew tipi oħrajn ta’ trattament inġust bħala minimu;

(c)

protezzjoni tad-data personali li tikkonċerna kemm lill-persuna li tirrapporta l-ksur potenzjali jew reali kif ukoll lill-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għal ksur skont il-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE;

(d)

protezzjoni tal-identità kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur kif ukoll tal-persuna fiżika li hija allegatament responsabbli għal ksur, fl-istadji kollha tal-proċeduri dment li tali żvelar ma jkunx mitlub mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjoni ulterjuri jew proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji sussegwenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-istituzzjonijiet ikollhom fis-seħħ proċeduri adatti għall-impjegati tagħhom sabiex jirrapportaw ksur reali jew potenzjali internament b’mezz speċifiku, indipendenti u awtonomu.

Tali mezz jista’ wkoll jiġi pprovdut permezz ta’ arranġamenti previsti mill-imsieħba soċjali. Għandha tapplika l-istess protezzjoni kif msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2.

Artikolu 66

Id-dritt tal-appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-miżuri meħudin f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu motivati tajjeb u soġġetti għal ta’ appell quddiem tribunal. Id-dritt ta’ appell quddiem tribunal għandu japplika meta ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni, fi żmien sitt xhur minn meta tiġi ppreżentata, għal awtorizzazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

TITOLU VI

DELEGA TA’ SETGĦAT, SETGĦAT TA’ IMPLIMENTAZZJONI, DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI, TA’ EMENDA U FINALI

Artikolu 67

Eżerċizzju tad-delega

1.   Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet mogħtija f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 7(14) u l-Artikolu 24(7) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu indeterminat ta’ żmien mis-17 ta’ Settembru 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 2(2), l-Artikolu 7(14) u l-Artikolu 24(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 7(14) u l-Artikolu 24(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew xi oġġezzjoni f’perijodu ta’ tliet xhur min-notifika tal-imsemmi att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu ta’ żmien, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 68

Proċedura ta’ Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE (27). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 69

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw lill-ESMA dawk l-istituzzjonijiet li joperaw bħala CSDs sas-16 ta’ Diċembru 2014.

2.   Is-CSDs għandhom japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet kollha li huma meħtieġa għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikaw il-konnessjonijiet rilevanti tas-CSD fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards tekniċi regolatorji kollha adottati skont l-Artikoli 17, 26, 45, 47, 48, u fejn ikun rilevanti, l-Artikoli 55 u 59.

3.   Fi żmien sitt xhur minn dak li jkun l-aktar reċenti bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards regolatorji tekniċi adottati skont l-Artikoli 12, 17, 25, 26, 45, 47, 48, u fejn ikun rilevanti, l-Artikoli 55 u 59 jew id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(9), CSD ta’ pajjiż terz għandu japplika għal rikonoxximent mill-ESMA fejn ikun beħsiebu jipprovdi s-servizzi tiegħu abbażi tal-Artikolu 25.

4.   Sakemm tittieħed id-deċiżjoni skont dan ir-Regolament dwar l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent tas-CSDs u tal-attivitajiet tagħhom, inklużi l-konnessjonijiet tas-CSDs, ir-regoli nazzjonali rispettivi dwar l-awtorizzazzjoni u r-rikonoxximent tas-CSDs għandhom jibqgħu japplikaw.

5.   Is-CSDs imħaddma mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(4) għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard minn sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-istandards regolatorji tekniċi msemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 70

Emendi għad-Direttiva 98/26/KE

Id-Direttiva 98/26/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

it-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

nominati, mingħajr preġudizzju għal kondizzjonijiet oħrajn aktar rigorużi ta’ applikazzjoni ġenerali stabbiliti mil-liġi nazzjonali, bħala sistema u notifikati lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq mill-Istat Membru li l-liġi tiegħu tkun applikabbli, wara li dak l-Istat Membru jkun issodisfat rigward l-adegwatezza tar-regoli tas-sistema.”.

(2)

fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Sat-18 ta’ Marzu 2015, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mat-tielet inċiż tal-ewwel subparagrafu tal-punt (a) tal-Artikolu 2.”

Artikolu 71

Emendi għad-Direttiva 2014/65/UE

Id-Direttiva 2014/65/UE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2(1), il-punt (o) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(o)

CSDs ħlief kif previst fl-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar it-titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs) u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 4(1), jiżdied il-punt li ġej:

“(64)

‘depożitorju ċentrali tat-titoli’ jew ‘CSD’ tfisser depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014.”;

(3)

fit-Taqsima B tal-Anness I il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)

Il-ħarsien u l-amministrazzjoni ta’ strumenti finanzjarji għall-kont tal-klijenti, inklużi l-kustodja u servizzi relatati bħall-ġestjoni ta’ flus fil-pront/kollaterali u esklużi l-forniment u ż-żamma tal-kontijiet ta’ titoli fl-ogħla livell (‘servizz ta’ manutenzjoni ċentrali’) imsemmija fil-punt (2) tat-Taqsima A tal-Anness għar-Regolament (UE) Nru 909/2014. (**)”.

Artikolu 72

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 236/2012

L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 236/2012 huwa mħassar.

Artikolu 73

L-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u tar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Is-CSDs awtorizzati skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jeħtieġu awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2014/65/UE biex jipprovdu s-servizzi elenkati espliċitament fit-Taqsimiet A u B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Meta CSD awtorizzat skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi servizz ta’ investiment wieħed jew aktar jew iwettaq attività ta’ investiment waħda jew aktar b’żieda mal-għoti tas-servizzi elenkati espliċitament fit-Taqsimiet A u B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament, id-Direttiva 2014/65/UE bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 5 sa 8, l-Artikolu 9(1), (2), (4) u (6) u l-Artikoli 10 sa 13 u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 għandhom japplikaw.

Artikolu 74

Rapporti

1.   L-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mal-EBA u l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet rilevanti, tissottometti rapporti annwali lill-Kummissjoni li jipprovdu valutazzjonijiet tax-xejriet, riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet, u fejn meħtieġ, rakkomandazzjonijiet għal azzjoni preventiva u ta’ rimedju fis-swieq tas-servizzi koperti minn dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu tal-anqas evalwazzjoni ta’ li ġej:

(a)

l-effiċjenza tas-saldu għall-operazzjonijiet domestiċi u transkonfinali għal kull Stat Membru bbażata fuq l-għadd u l-volum ta’ nuqqas ta’ saldu, l-ammont ta’ penali msemmija fl-Artikolu 7(2), l-għadd u l-volum ta’ tranżazzjonjiet ta’ xiri sfurzat imsemmija fl-Artikolu 7(3) u (4) u kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor;

(b)

l-adegwatezza tal-penali għal nuqqas ta’ saldu, b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar flessibbiltà dwar il-penali għal nuqqas ta’ saldu b’rabta mal-istrumenti finanzjarji illikwidi msemmija fl-Artikolu 7(4);

(c)

kejl ta’ saldu li ma jseħħx fis-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs abbażi tal-għadd u l-volum ta’ tranżazzjonijiet abbażi tal-informazzjoni rċevuta taħt l-Artikolu 9 u kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor;

(d)

il-forniment ta’ servizzi transkonfinali koperti minn dan ir-Regolament abbażi tal-għadd u t-tip ta’ konnessjonijiet tas-CSDs, l-għadd ta’ parteċipanti barranin fis-sistemi tas-saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs, l-għadd u l-volum tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu tali parteċipanti, l-għadd ta’ emittenti barranin li jirreġistraw it-titoli tagħhom f’CSD skont l-Artikolu 49 u kwalunkwe kriterju rilevanti ieħor;

(e)

it-trattament tat-talbiet għal aċċess fl-Artikoli 49, 52 u 53 biex tidentifika r-raġunijiet għaċ-ċaħda tat-talbiet għal aċċess minn CSDs, CCPs u ċentri ta’ negozjar, ix-xejriet jekk ikun hemm ta’ dawk iċ-ċaħdiet u l-modi kif ir-riskji identifikati jistgħu jittaffew fil-ġejjieni sabiex l-aċċess ikun jista’ jingħata, u kwalunkwe ostaklu materjali ieħor għall-kompetizzjoni f’servizzi finanzjarji ta’ wara n-negozjar;

(f)

it-trattament tal-applikazzjonijiet ippreżentati skont il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 23(3) sa (7) u l-Artikolu 25(4) sa (10);

(g)

fejn japplika, is-sejbiet tal-proċess ta’ evalwazzjoni bejn il-pari għas-superviżjoni transkonfinali fl-Artikolu 24(6) u jekk il-frekwenza ta’ dawk l-evalwazzjonijiet tistax titnaqqas fil-ġejjieni, inkluż indikazzjoni ta’ jekk dawk is-sejbiet jindikawx il-ħtieġa għal kulleġġi ta’ superviżuri aktar formali;

(h)

l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ responsabbiltà ċivili tal-Istati Membri b’rabta mat-telf attribwibbli lis-CSDs;

(i)

il-proċeduri u l-kondizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjoni sabiex is-CSDs jinnominaw istituzzjonijiet ta’ kreditu jew jipprovdu lilhom infushom servizzi anċillari ta’ tip bankarju skont l-Artikoli 54 u 55, inkluż valutazzjoni tal-effetti li dak il-provvediment jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-kompetizzjoni għas-saldu u s-servizzi anċillari ta’ tip bankarju fl-Unjoni;

(j)

l-applikazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikolu 38 dwar il-protezzjoni tat-titoli tal-parteċipanti u dawk tal-klijenti tagħhom, b’mod partikolari dawk fl-Artikolu 38(5);

(k)

l-applikazzjoni tal-penali u b’mod partikolari l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tal-penali amministrattivi stabbiliti għall-ksur tar-rekwiżiti stipulati f’ dan ir-Regolament.

2.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 li jkopru sena tal-kalendarju għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April tas-sena tal-kalendarju ta’ wara.

Artikolu 75

Rieżami

Sat-18 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tħejji rapport ġenerali dwar dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu, b’mod partikolari, jivvaluta l-materji msemmija fil-punti (a) sa (k) tal-Artikolu 74(1), jekk hemmx ostakoli sostantivi oħra għall-kompetizzjoni b’rabta mas-servizzi soġġetti għal dan ir-Regolament li mhumiex indirizzati biżżejjed u l-bżonn potenzjali ta’ aktar miżuri li jillimitaw l-impatt tan-nuqqas tas-CSDs fuq il-kontribwenti tat-taxxa. Il-Kummissjoni għandha tissottometti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta adatta.

Artikolu 76

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-Artikoli 3(1) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023 għal titoli trasferibbli maħruġa wara dik id-data u mill-1 ta’ Jannar 2025 għat-titoli trasferibbli kollha.

3.   L-Artikolu 5(2) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ ċentru tan-negozjar li għandu aċċess għal CSD msemmi fl-Artikolu 30(5), l-Artikolu 5(2) għandu japplika tal-anqas sitt xhur qabel tali CSD jesternalizza l-attivitajiet tiegħu lill-entità pubblika rilevanti, u fi kwalunkwe każ mill-1 ta’ Jannar 2016.

4.   Il-miżuri dixxiplinari tas-saldu msemmija fl-Artikolu 6(1) sa (4) għandhom japplikaw mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjon skont l-Artikolu 6(5).

5.   Il-miżuri dixxiplinari tas-saldu msemmija fl-Artikolu 7(1) sa (13) u l-emenda stabbilita fl-Artikolu 72 għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(15).

MTF li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 33(3) tad-Direttiva 2014/65/UE għandha tkun soġġetta għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-Regolament:

(a)

sad-determinazzjoni finali tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE; jew

(b)

fejn MTF ma applikatx għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2014/65/UE, sat-13 ta’ Ġunju 2017.

6.   Il-mizuri ta’ rapportar msemmija fl-Artikolu 9(1) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9(3).

7.   Referenzi f’dan ir-Regolament għad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014, għandhom, qabel it-3 ta’ Jannar 2017, jinqraw bħala referenzi għad-Direttiva 2004/39/KE skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stipulata fl-Anness IV għad-Direttiva 2014/65/UE sakemm dik it-tabella ta’ korrelazzjoni fiha dispożizzjonijiet li jirreferu għad-Direttiva 2004/39/KE.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 310, 13.10.2012, p. 12.

(2)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 76.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(4)  Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ saldu fis-sistemi ta’ saldu ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(5)  Regolament Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(7)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li jemenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(8)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(9)  Direttiva 2002/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ġunju 2002 dwar arranġamenti finanzjarji kollaterali (ĠU L 168, 27.6.2002, p. 43).

(10)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

(11)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(12)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(13)  [2004] ECR I-4829.

(14)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(15)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(17)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(18)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(19)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(20)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(21)  Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Direttivi 98/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120).

(22)  Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).

(23)  Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64).

(24)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(25)  Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15).

(26)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ “persuni esposti politikament” u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).

(27)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).

(**)  Jekk jogħġbok daħħal in-numru ta’ dan ir-Regolament.


ANNESS

LISTA TA’ SERVIZZI

TAQSIMA A

Servizzi ewlenin tad-depożitorji ċentrali tat-titoli

1.

Ir-reġistrar inizjali tat-titoli f’sistema ta’ entrata fil-kotba (‘servizz notarili’);

2.

Il-forniment u ż-żamma ta’ kontijiet ta’ titoli fl-ogħla grad (‘servizz ta’ manutenzjoni ċentrali’);

3.

It-tħaddim ta’ sistema ta’ saldu tat-titoli (‘servizz ta’ saldu’).

TAQSIMA B

Servizzi anċillari mhux ta’ tip bankarju tas-CSDs li ma jinvolvux riskju ta’ kreditu jew ta’ likwidità

Servizzi pprovduti minn CSDs li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sikurezza, l-effiċjenza u t-trasparenza tas-swieq tat-titoli, li jistgħu jinkludu iżda li mhumiex ristretti għal:

1.

Servizzi relatati mas-servizz ta’ saldu, bħal:

(a)

L-organizzazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ self ta’ titoli, bħala aġent fost il-parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(b)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tal-kollateral, bħala aġent għall-parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli;

(c)

Tqabbil tas-saldu, twassil tal-istruzzjonijiet, konferma tan-negozju, verifika tan-negozju.

2.

Servizzi relatati mas-servizzi notarili u ta’ manutenzjoni ċentrali, bħal:

(a)

Servizzi relatati mar-reġistri tal-azzjonisti;

(b)

L-appoġġ għall-ipproċessar ta’ azzjonijiet korporattivi, inklużi servizzi ta’ taxxa, laqgħat ġenerali u tagħrif;

(c)

Servizzi ta’ ħarġiet ġodda, inklużi l-allokazzjoni u l-ġestjoni tal-kodiċijiet ISIN (International Securities Identification Number) u kodiċijiet simili;

(d)

Twassil tal-istruzzjonijiet u pproċessar, ġbir ta’ tariffi u pproċessar u rapportar relatat.

3.

L-istabbiliment ta’ konnessjonijiet ta’ CSD, il-forniment, iż-żamma jew it-tħaddim ta’ kontijiet ta’ titoli relatati mas-servizz ta’ saldu, il-ġestjoni tal-kollateral, servizzi anċillari oħrajn.

4.

Servizzi oħrajn, bħal:

(a)

Il-forniment ta’ servizzi ġenerali ta’ ġestjoni ta’ kollateral bħala agent;

(b)

Il-forniment ta’ rapportar regolari;

(c)

Il-forniment ta’ informazzjoni, data u statistika għall-uffiċċji tas-suq/taċ-ċensiment jew għal entitajiet governattivi jew intergovernattivi oħra;

(d)

Il-forniment ta’ servizzi tal-IT.

TAQSIMA C

Servizzi anċillari ta’ tip bankarju

Is-servizzi ta’ tip bankarju direttament relatati ma’ servizzi ewlenin jew anċillari elenkati fit-Taqsimiet A u B, bħal:

(a)

Il-forniment ta’ kontijiet ta’ flus kontanti lil, u l-aċċettazzjoni ta’ depożiti minn, parteċipanti f’sistema ta’ saldu tat-titoli u detenturi ta’ kontijiet ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 1 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(b)

Il-forniment ta’ kreditu ta’ flus kontanti għar-rimborż mhux iktar tard mill-jum ta’ xogħol segwenti, it-tislif ta’ flus kontanti għal prefinanzjament ta’ azzjonijiet korporattivi u t-tislif ta’ titoli lil detenturi ta’ kontijiet ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 2 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(c)

Servizzi ta’ pagament li jinvolvu l-ipproċessar ta’ flus kontanti u tranżazzjonijiet ta’ kambju f’munita barranija, skont it-tifsira tal-punt 4 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(d)

Garanziji u impenji b’rabta ma’ tislif u self ta’ titoli, skont it-tifsira tal-punt 6 tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE;

(e)

Attivitajiet tat-teżor li jinvolvu l-kambju f’munita barranija u titoli trasferibbli b’rabta mal-ġestjoni ta’ bilanċi twal tal-parteċipanti, skont it-tifsira tal-punti 7(b) u (e) tal-Anness I għad-Direttiva 2013/36/UE.


28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/73


REGOLAMENT (UE) Nru 910/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-bini tal-fiduċja fl-ambjent online huwa kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. In-nuqqas ta’ fiduċja, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas perċettibbli ta’ ċertezza legali, iġiegħel lill-konsumaturi, lin-negozji u lill-awtoritajiet pubbliċi joqogħdu lura milli jwettqu transazzjonijiet b’mod elettroniku u milli jadottaw servizzi ġodda.

(2)

Dan ir-Regolament ifittex li jsaħħaħ il-fiduċja fit-transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern billi jipprovdi sisien komuni għal interazzjoni elettronika sigura bejn iċ-ċittadini, in-negozjiu l-awtoritajiet pubbliċi, u b’hekk iżid l-effettività tas-servizzi pubbliċi u privati online, in-negozju elettroniku u l-kummerċ elettroniku fl-Unjoni Ewropea.

(3)

Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ittrattat il-firem elettroniċi mingħajr ma tat qafas komprensiv transkonfinali u transettorjali għal transazzjonijiet elettroniċi siguri, affidabbli u faċli biex jintużaw. Dan ir-Regolament itejjeb u jespandi l-acquis ta’ dik id-Direttiva.

(4)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 intitolat “Aġenda Diġitali għall-Ewropa“ identifikat il-frammentazzjoni tas-suq diġitali, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà u ż-żieda fiċ-ċiberkriminalità bħala ostakli prinċipali għaċ-ċiklu virtuż tal-ekonomija diġitali. Fir-Rapport tagħha tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, intitolat “Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”, il-Kummissjoni enfasizzat aktar il-ħtieġa li jissolvew il-problemi ewlenin li jfixklu ċ-ċittadini tal-Unjoni milli jgawdu l-benefiċċji ta’ suq uniku diġitali u servizzi transkonfinali diġitali.

(5)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-4 ta’ Frar 2011 u t-23 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni toħloq suq uniku diġitali sal-2015 biex tagħmel progress mgħaġġel fl-oqsma prinċipali tal-ekonomija diġitali u tippromwovi suq uniku diġitali integrat kompletament billi tiffaċilita l-użu transkonfinali tas-servizzi online, b’attenzjoni partikolari għall-faċilitazzjoni tal-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi siguri.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għas-suq uniku diġitali billi toħloq kondizzjonijiet adatti għar-rikonoxximent reċiproku ta’ elementi ta’ faċilitazzjoni ewlenin minn naħa għal oħra tal-fruntieri, bħall-identifikazzjoni elettronika, id-dokumenti elettroniċi, il-firem elettroniċi u s-servizzi ta’ forniment elettroniku, u għas-servizzi tal-gvern elettroniku interoperabbli fl-Unjoni Ewropea.

(7)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku (4), enfasizza l-importanza tas-sigurtà tas-servizzi elettroniċi, speċjalment tal-firem elettroniċi, u tal-ħtieġa li tinħoloq infrastruttura prinċipali pubblika fil-livell pan-Ewropew, u talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi portal ta’ awtoritajiet ta’ validazzjoni Ewropej biex tiżgura l-interoperabbiltà transkonfinali tal-firem elettroniċi u żżid is-sigurtà tat-transazzjonijiet bl-użu tal-Internet.

(8)

Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu ‘punti ta’ kuntatt waħdieni’ (points of single contact) (PSCs) biex jiżguraw li l-proċeduri u l-formalitajiet kollha relatati mal-aċċess għal attività ta’ servizz u l-eżerċizzju tiegħu jistgħu jkunu kkompletati faċilment, mill-bogħod u permezz ta’ mezzi elettroniċi, permezz tal-PSC xieraq u bl-awtoritajiet xierqa. Ħafna mis-servizzi online aċċessibbli permezz ta’ PSCs jesiġu identifikazzjoni, awtentikazzjoni u firma elettroniċi.

(9)

F’ħafna każijiet, iċ-ċittadini ma jistgħux jużaw l-identifikazzjoni elettronika tagħhom biex jawtentikaw lilhom infushom fi Stat Membru ieħor minħabba li l-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika f’pajjiżhom mhumiex rikonoxxut fi Stati Membri oħra. Dak l-ostaklu elettroniku jeskludi l-fornituri tas-servizzi milli jgawdu l-benefiċċji sħaħ tas-suq intern. Mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika rikonoxxuti reċiprokament ser jiffaċilitaw il-forniment transkonfinali ta’ diversi servizzi fis-suq intern u jippermettu li n-negozji joperaw fuq bażi transkonfinali mingħajr ma jiffaċċjaw ħafna ostakoli fl-interazzjonijiet ma’ awtoritajiet pubbliċi.

(10)

Id-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jistabbilixxi netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli mis-saħħa elettronika. Sabiex itejjeb is-sikurezza u l-kontinwità tal-kura tas-saħħa transkonfinali, in-netwerk huwa meħtieġ jipproduċi linji gwida dwar l-aċċess transkonfinali għad-data u s-servizzi tas-saħħa elettronika, inkluż bl-appoġġ ta’ ‘miżuri komuni ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni għall-iffaċilitar tat-trasferibbiltà ta’ data fil-kura tas-saħħa transkonfinali’. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettronika huwa kruċjali sabiex il-kura tas-saħħa transkonfinali ssir realtà għaċ-ċittadini Ewropej. Meta persuni jivvjaġġaw għal trattament, jeħtieġ li d-data medika tagħhom tkun aċċessibbli fil-pajjiż tat-trattament. Dak jesiġi qafas ta’ identifikazzjoni elettronika solidu, sikur u affidabbli.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità sħiħa mal-prinċipju relatati mal-protezzjoni tad-data personali prevista mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F’dan ir-rigward, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit b’dan ir-Regolament, l-awtentikazzjoni ta’ servizz online għandha tirrigwarda biss l-ipproċessar ta’ dik id-data ta’ identifikazzjoni li hija adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva biex tagħti aċċess għal dak is-servizz online. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti skont id-Direttiva 95/46/KE dwar il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar għandhom jiġu rrispettati mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u l-korpi superviżorji.

(12)

Wieħed mill-objettivi ta’ dan ir-Regolament huwa li jneħħi l-ostakli eżistenti għall-użu transkonfinali ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika użati fl-Istati Membri biex jawtentikaw, tal-inqas is-servizzi pubbliċi. Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jintervjeni fir-rigward tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità elettronika u l-infrastrutturi relatati stabbiliti fl-Istati Membri. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiġi żgurat li għall-aċċess għas-servizzi online transkonfinali offruti mill-Istati Membri, ikun possibbli li jintlaħaq l-ogħla livell ta’ sigurtà fl-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi.

(13)

L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jużaw jew li jintroduċu mezzi għall-finijiet ta’ identifikazzjoni elettronika, għall-aċċess għas-servizzi online. Dawn għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu wkoll jekk jinvolvux lis-settur privat fil-forniment ta’ dawk il-mezzi. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jinnotifikaw l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika tagħhom lill-Kummissjoni. L-għażla li jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika użati fil-livell nazzjonali kollha jew xi wħud minnhom jew inkella ebda waħda minnhom biex jagħtu aċċess tal-anqas għal servizzi pubbliċi online jew għal servizzi speċifiċi hija f’idejn l-Istati Membri.

(14)

Jeħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġu stabbiliti xi kondizzjonijiet fir-rigward ta’ liema mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għandhom jiġu rikonoxxuti u kif l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika għandhom jiġu notifikati. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jgħinu lill-Istati Membri jibnu l-fiduċja reċiproka meħtieġa fl-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ xulxin u biex ikun hemm rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt l-iskemi notifikati tagħhom. Il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu japplika jekk l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tal-Istat Membru notifikanti jissodisfaw l-kondizzjonijiet ta’ notifika u n-notifika tkun ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jirrigwarda biss l-awtentikazzjoni għal servizz online. L-aċċess għal dawk is-servizzi online u l-forniment finali tagħhom lill-applikant għandhom ikunu marbutin mill-qrib mad-dritt li wieħed jirċievi tali servizzi skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali.

(15)

L-obbligu tar-rikonoxximent tal-mezzi tal-identifikazzjoni elettronika għandha jirrigwarda biss dawk il-mezzi li l-livell ta’ assigurazzjoni tal-identità tagħhom jikkorrispondi għall-istess livell jew ogħla mil-livell meħtieġ għas-servizz online inkwistjoni. Barra minn hekk, dak l-obbligu għandu japplika biss meta l-korp tas-settur pubbliku inkwistjoni juża l-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” jew “għoli” fir-rigward tal-aċċess online għal dak is-servizz. L-Istati Membri għandhom jibqgħu liberi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li jirrikonoxxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li għandhom livelli ta’ assigurazzjoni ta’ identità aktar baxxi.

(16)

Il-livelli ta’ assigurazzjoni għandhom jikkaratterizzaw il-grad ta’ fiduċja f’mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fl-istabbiliment tal-identità ta’ persuna, b’hekk jipprovdu assigurazzjoni li l-persuna li qed tiddikjara identità partikolari tkun fil-fatt il-persuna li lilha ġiet assenjata dik l-identità. Il-livell ta’ assigurazzjoni jiddependi mill-grad ta’ fiduċja li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jipprovdi fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proċessi (pereżempju, l-għoti ta’ provi tal-identità, il-verifika u l-awtentikazzjoni), l-attivitajiet ta’ ġestjoni (pereżempju, l-entità li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u l-proċedura għall-ħruġ ta’ tali mezzi) u l-kontrolli tekniċi implimentati. Jeżistu diversi definizzjonijiet tekniċi u deskrizzjonijiet tal-livelli ta’ assigurazzjoni bħala r-riżultat ta’ Proġetti Pilota fuq Skala Kbira b’finanzjament mill-Unjoni, l-istandardizzazzjoni u attivitajiet internazzjonali. B’mod partikolari, il-Proġetti Pilota fuq Skala Kbira STORK u ISO 29115 jirreferu, fost l-oħrajn, għal-livelli 2, 3 u 4, li għandu assolutament jittieħed kont tagħhom meta jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tekniċi minimi, l-istandards u l-proċeduri għal-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli fis-sens ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ assigurazzjoni għoli marbut mal-għoti ta’ provi tal-identità biex jinħarġu ċertifikati kwalifikati. Ir-rekwiżiti stabbiliti għandhom ikunu teknoloġikament newtrali. Għandu jkun possibbli li jinkisbu r-rekwiżiti ta’ sigurtà meħtieġa permezz ta’ teknoloġiji differenti.

(17)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu lis-settur privat biex volontarjament juża l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont skema notifikata għal finijiet ta’ identifikazzjoni meta meħtieġa għal servizzi online jew transazzjonijiet elettroniċi. Il-possibbiltà tal-użu ta’ tali mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tippermetti li s-settur privat jiddependi fuq l-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi li diġà jintużaw ħafna f’bosta Stati Membri għall-inqas għas-servizzi pubbliċi u biex tagħmilha iktar faċli għan-negozji u ċ-ċittadini li jkollhom aċċess għas-servizzi online tagħhom b’mod transkonfinali. Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu transkonfinali ta’ tali mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għas-settur privat, il-possibbiltà ta’ awtentikazzjoni provduta minn kwalunkwe Stat Membru għandha tkun disponibbli għall-partijiet dipendenti tas-settur privat stabbiliti ‘l barra mit-territorju ta’ dak l-Istati Membru skont l-istess kondizzjonijiet kif applikati għall-partijiet dipendenti tas-settur privat stabbiliti f’dak l-Istati Membru. Konsegwentement, fir-rigward tal-partijiet dipendenti tas-settur privat, l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għall-mezzi ta’ awtentikazzjoni. It-tali termini ta’ aċċess jistgħu jinformaw jekk il-mezzi ta’ awtentikazzjoni marbuta mal-iskema notifikata humiex attwalment disponibbli għall-partijiet dipendenti tas-settur privat.

(18)

Dan ir-Regolament għandu jipprevedi r-responsabbiltà tal-Istat Membru li jinnotifika, il-parti li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u l-parti li tħaddem il-proċedura ta’ awtentikazzjoni f’każ li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament. Madankollu, dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà. Għaldaqstant, ma jaffettwax dawk ir-regoli nazzjonali fuq, pereżempju, dwar id-definizzjoni tal-ħsarat jew dwar ir-regoli proċedurali rilevanti applikabbli, inkluż l-oneru tal-provi.

(19)

Is-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika hija fundamentali għar-rikonoxximent reċiproku transkonfinali affidabbli tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fir-rigward tas-sigurtà u l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika fil-livell tal-Unjoni. Kull meta l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika jesiġu li jintuża hardware jew software speċifiku mill-partijiet dipendenti fil-livell nazzjonali, l-interoperabbiltà transkonfinali teħtieġ li dawk l-Istati Membri ma jimponux tali rekwiżiti u l-ispejjeż relatati fuq il-partijiet dipendenti stabbiliti ‘l barra mit-territorju tagħhom. F’dak il-każ għandhom jiġi diskussi u żviluppati soluzzjonijiet xierqa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-qafas tal-interoperabbiltà. Madankollu r-rekwiżiti tekniċi li joħorġu mill-ispeċifikazzjonijiet inerenti tal-mezzi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika u li x’aktarx għandhom jaffettwaw lid-detenturi ta’ tali mezzi elettroniċi, (pereżempju smartcards) huma inevitabbli.

(20)

Il-kooperazzjoni mill-Istati Membri għandha tiffaċilita l-interoperabbiltà teknika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati bil-ħsieb li jrawmu livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għall-grad tar-riskju. L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aqwa prassi bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li jkun hemm rikonoxximent reċiproku għandhom jgħinu tali kooperazzjoni.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll qafas legali ġenerali għall-użu ta’ servizzi fiduċjarji. Madankollu, ma għandux joħloq obbligu ġenerali li jintużaw jew li jiġi installat punt ta’ aċċess għas-servizzi fiduċjarji eżistenti kollha. B’mod partikolari, dan ma għandux ikopri l-forniment ta’ servizzi li jintuża esklużivament f’sistemi magħluqa bejn grupp definit ta’ parteċipanti, b’ebda effett fuq partijiet terzi. Pereżempju, is-sistemi stabbiliti f’negozji jew f’amministrazzjonijiet pubbliċi għall-ġestjoni tal-proċeduri interni li jużaw is-servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Is-servizzi fiduċjarji provduti lill-pubbliku li jkollhom effetti fuq partijiet terzi biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fir-Regolament. Dan ir-Regolament lanqas ma għandu jkopri aspetti relatati mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratti jew obbligi legali oħra fejn ikun hemm rekwiżiti rigward il-forma stipulata mil-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Barra minn dan, lanqas ma għandu jaffettwa r-rekwiżiti tal-formoli nazzjonali li jappartjenu għar-reġistri pubbliċi, b’mod partikolari r-reġistri kummerċjali u tal-artijiet.

(22)

Sabiex jikkontribwixxu għall-użu transkonfinali ġenerali tagħhom, għandu jkun possibbli li s-servizzi fiduċjarji jintużaw bħala evidenza fi proċeduri legali fl-Istati Membri kollha. Huwa f’idejn il-liġi nazzjonali li tiddefinixxi l-effett legali ta’ servizzi fiduċjarji, ħlief jekk ikun previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(23)

Sa fejn dan ir-Regolament joħloq obbligu li jiġi rikonoxxut servizz fiduċjarju, tali servizz fiduċjarju jista’ jiġi rrifjutat biss jekk id-destinatarju tal-obbligu mhuwiex kapaċi jaqrah jew jivverifikah minħabba raġunijiet tekniċi li mhumiex fil-kontroll immedjat tad-destinatarju. Madankollu, dak l-obbligu fih innifsu ma għandux jesiġi li korp pubbliku jikseb il-hardware u s-software meħtieġa għal-leġġibbiltà teknika tas-servizzi fiduċjarji eżistenti kollha.

(24)

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward ta’ servizzi fiduċjarji dment li dawk is-servizzi mhumiex armonizzati kompletament b’dan ir-Regolament. Madankollu, is-servizzi fiduċjarji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament għandhom jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

(25)

L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jiddefinixxu tipi oħra ta’ servizzi fiduċjarji li ma jkunux parti mil-lista magħluqa ta’ servizzi fiduċjarji prevista f’dan ir-Regolament, għal fini tar-rikonoxximent fil-livell nazzjonali bħala servizzi fiduċjarji kwalifikati.

(26)

Minħabba l-pass tal-bidla teknoloġika, dan ir-Regolament għandu jadotta approċċ li jkun miftuħ għall-innovazzjoni.

(27)

Dan ir-Regolament għandu jkun teknoloġikament newtrali. L-effetti legali li jagħti jistgħu jinkisbu permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku dment li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(28)

Sabiex titjieb b’mod partikolari l-fiduċja tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u tal-konsumaturi fis-suq intern u jiġi promoss l-użu tas-servizzi u prodotti fiduċjarji, għandhom jiġu introdotti l-kunċetti ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bil-ħsieb li jiġu indikati r-rekwiżiti u l-obbligi li jiżguraw sigurtà ta’ livell għoli ta’ kwalunkwe servizz u prodott fiduċjarju kwalifikat użat jew fornut.

(29)

F’konformità mal-obbligi skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (8), b’mod partikolari l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni, persuni b’diżabbiltajiet għandhom ikunu jistgħu jużaw is-servizzi fiduċjarji u l-prodotti ta’ utenti finali użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi fuq bażi ugwali ma’ konsumaturi oħra. Għalhekk, fejn ikun fattibbli, is-servizzi fiduċjarji provduti u l-prodotti ta’ utenti finali użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltajiet. Il-valutazzjoni ta’ fattibbiltà għandha tinkludi, fost l-oħrajn, konsiderazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi.

(30)

L-Istati Membri għandhom jaħtru korp superviżorju jew korpi superviżorji biex iwettqu l-attivitajiet superviżorji skont dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jiddeċiedu wkoll, bi qbil reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, li jaħtru korp superviżorju fit-territorju ta’ dak l-Istat Membri l-ieħor.

(31)

Il-korpi superviżorji għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, pereżempju billi jinformawhom dwar ir-riżultati tal-awditi ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, fejn ikun jidher li jkun hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali. Il-forniment ta’ informazzjoni għandu jkopri b’mod partikolari inċidenti ta’ sigurtà u ksur ta’ data personali.

(32)

Għandu jkun ir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kollha li japplikaw prattika tajba ta’ sigurtà xierqa għar-riskji relatati mal-attivitajiet tagħhom sabiex iżidu l-fiduċja tal-utenti fis-suq uniku.

(33)

Dispożizzjonijiet dwar l-użu ta’ psewdonimi fiċ-ċertifikati ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jeħtieġu l-identifikazzjoni tal-persuni skont id-dritt al-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.

(34)

L-Istati Membri kollha għandhom isegwu r-rekwiżiti essenzjali komuni għas-superviżjoni sabiex jiżguraw livell ta’ sigurtà komparabbli għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Sabiex titħaffef l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk ir-rekwiżiti madwar l-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jadottaw proċeduri komparabbli u għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta’ superviżjoni u l-aħjar prattiki fil-qasam.

(35)

Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kollha għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk dwar is-sigurtà u r-responsabbiltà biex jiżguraw id-diliġenza dovuta, it-trasparenza u r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet u s-servizzi tagħhom. Madankollu, filwaqt li jiġu kkunsidrati t-tipi ta’ servizzi fornuti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, huwa xieraq li ssir distinzjoni fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti bejn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u dawk mhux kwalifikati.

(36)

L-istabbiliment ta’ reġim superviżorju għall-fornituri kollha ta’ servizzi fiduċjarji għandu jiżgura kondizzjonijiet ekwi għas-sigurtà u r-responsabbiltà tal-operazzjonijiet u s-servizzi tagħhom, b’hekk jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-utenti u l-funzjonament tas-suq intern. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati għandhom ikunu soġġetti għal attivitajiet superviżorji light-touch u reattivi ex-post iġġustifikati min-natura tas-servizzi u l-operazzjonijiet tagħhom. Il-korp superviżorju ma għandu għalhekk ikollu ebda obbligu ġenerali li jissorvelja fornituri ta’ servizzi mhux kwalifikati. Il-korp superviżorju għandu jieħu azzjoni biss meta jiġi informat (pereżempju, mill-fornitur ta’ servizz fiduċjarju mhux kwalifikat innifsu, minn korp superviżorju ieħor, permezz ta’ notifika minn utent jew sieħeb fin-negozju jew fuq il-bażi ta’ investigazzjoni mwettqa minnu stess) li fornitur ta’ servizz fiduċjarju mhux kwalifikat ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(37)

Dan ir-Regolament għandu jipprevedi r-responsabbiltà tal-fornituri kollha ta’ servizzi fiduċjarji. B’mod partikolari, huwa jistabbilixxi reġim ta’ responsabbiltà li skontu l-fornituri kollha ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal ħsara kkawżata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tar-riskju finanzjarju li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jista’ jkollhom jieħdu jew li għandhom ikopru permezz ta’ poloz ta’ assigurazzjoni, dan ir-Regolament jippermetti li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jistabbilixxu limitazzjonijiet, taħt ċerti kondizzjonijiet, fuq l-użu ta’ servizzi li jipprovdu u li ma jkunux responsabbli għal danni kkawżati mill-użu ta’ servizzi li jeċċedu tali limitazzjonijiet. Il-klijenti għandhom ikunu informati bil-quddiem kif dovut dwar il-limitazzjonijiet. Dawk il-limitazzjonijiet għandhom ikunu rikonoxxibbli minn parti terza, pereżempju permezz tal-inklużjoni ta’ informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-servizz ipprovdut jew permezz ta’ mezzi rikonoxxibbli oħra. Għall-finijiet li jingħata effett lil dawk il-prinċipji, dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax dawk ir-regoli nazzjonali dwar, pereżempju, id-definizzjoni ta’ danni, intenzjoni, negliġenza, jew ir-regoli proċedurali rilevanti applikabbli.

(38)

In-notifika ta’ ksur tas-sigurtà u l-valutazzjonijiet tar-riskju tas-sigurtà huma essenzjali sabiex tingħata informazzjoni adegwata lill-partijiet konċernati fil-każ ta’ ksur tas-sigurtà jew telf ta’ integrità.

(39)

Sabiex jippermettu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ notifika ta’ ksur introdott b’dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji għandhom jintalbu jipprovdu informazzjoni fil-qosor lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA).

(40)

Sabiex jippermettu li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jivvalutaw l-effettività tal-mekkaniżmu ta’ superviżjoni mtejjeb introdott minn dan ir-Regolament, il-korpi superviżorji huma mitluba jirrapportaw dwar l-attivitajiet tagħhom. Dan ikun strumentali fl-iffaċilitar tal-iskambju tal-prassi tajba bejn il-korpi superviżorji u jiżgura l-verifika tal-implimentazzjoni konsistenti u effeċjenti tar-rekwiżiti ta’ superviżjoni essenzjali fl-Istati Membri kollha.

(41)

Sabiex jiżguraw is-sostenibbiltà u d-durabbiltà tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati u biex iżidu l-fiduċja tal-utenti fil-kontinwità tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, il-korpi superviżorji għandhom jivverifikaw l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar il-pjanijiet ta’ terminazzjoni f’każijiet fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom.

(42)

Sabiex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati, pereżempju, meta fornitur ikun qed jipprovdi s-servizzi tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u ma jkunx soġġett għal superviżjoni hemmhekk, jew meta l-kompjuters ta’ fornitur ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru minbarra dak li mhuwiex fejn ikun ġie stabbilit, għandha tiġi stabbilita sistema ta’ assistenza reċiproka bejn il-korpi ta’ superviżjoni fl-Istati Membri.

(43)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u tas-servizzi li huma jipprovdu mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, għandu jitwettaq rapport dwar il-valutazzjoni ta’ konformità minn korp ta’ valutazzjoni dwar il-konformità u r-rapporti ta’ valutazzjoni dwar il-konformità li jirriżultaw għandhom jintbagħtu mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati lill-korp superviżorju. Kull meta l-korp superviżorju jkun jesiġi li fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat jibgħat rapport ad hoc ta’ rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità, il-korp superviżorju għandu jirrispetta, b’mod partikolari, l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, inkluż l-obbligu li jagħti raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu, kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk, il-korp superviżorju għandu jiġġustifika b’mod debitu d-deċiżjoni tiegħu li jeħtieġ valutazzjoni ad hoc tal-konformità.

(44)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura qafas koerenti bil-ħsieb li jipprovdi livell għoli ta’ sigurtà u ċertezza legali ta’ servizzi fiduċjarji. F’dan ir-rigward, meta tindirizza l-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti u servizzi, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tfittex sinerġiji ma’ skemi Ewropej u internazzjonali rilevanti eżistenti bħar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament tal-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità u għas-sorveljanza tas-suq tal-prodotti.

(45)

Sabiex jippermettu proċess inizjattiv effiċjenti, li għandu jwassal għall-inklużjoni ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdu f’listi affidabbli, għandhom jitħeġġew interazzjonijiet preliminari bejn fornituri prospettivi ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u l-korp kompetenti ta’ superviżjoni bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata d-diliġenza dovuta li twassal għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati.

(46)

Il-listi ta’ fiduċja huma elementi essenzjali biex tinbena l-fiduċja fost l-operaturi tas-suq peress li huma jindikaw l-istatus kwalifikat tal-fornitur ta’ servizz fil-mument tas-superviżjoni.

(47)

Il-fiduċja fis-servizzi online u l-konvenjenza tagħhom huma essenzjali għall-utenti sabiex jibbenefikaw bi sħiħ u jafdaw konxjament fis-servizzi elettroniċi. Għal dan l-għan, għandha tinħoloq marka ta’ fiduċja tal-UE għall-identifikazzjoni tas-servizz fiduċjarju kwalifikati provduti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati. Tali marka ta’ fiduċja tal-UE għal servizzi fiduċjarji kwalifikati għandha tiddistingwi b’mod ċar is-servizzi fiduċjarji kwalifikati minn servizzi fiduċjarji oħra u b’hekk tikkontribwixxi għat-trasparenza fis-suq. L-użu ta’ marka ta’ fiduċja tal-UE mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu jkun volontarju u ma għandu jwassal għal ebda rekwiżit ieħor għajr dawk previsti f’dan ir-Regolament.

(48)

Filwaqt li jinħtieġ livell għoli ta’ sigurtà biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta’ firem elettroniċi, f’każijiet speċifiċi, bħal fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE (10), firem elettroniċi b’assikurazzjoni baxxa ta’ sigurtà għandu jiġi aċċettat ukoll.

(49)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda l-effett legali minħabba li hija f’forma elettronika jew minħabba li ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha ta’ firma elettronika kwalifikata. Madankollu, hija l-liġi nazzjonali li trid tiddefinixxi l-effett legali tal-firem elettroniċi, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament skont liema, firma elettronika kwalifikata għandu jkollha effett legali ekwivalenti għal firma bl-idejn.

(50)

Minħabba li l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri bħalissa jużaw formati differenti ta’ firem elettroniċi avvanzati biex jiffirmaw id-dokumenti tagħhom b’mod elettroniku, jinħtieġ li jiġi żgurat li mill-anqas għadd ta’ formati ta’ firem elettroniċi avvanzati jkunu jistgħu jiġu appoġġati teknikament mill-Istati Membri meta dawn jirċievu dokumenti ffirmati elettronikament. Bl-istess mod, meta l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jużaw siġilli elettroniċi avvanzati, ikun meħtieġ li jiġi żgurat li dawn tal-anqas ikunu jappoġġaw għadd ta’ formati ta’ siġilli elettroniċi avvanzati.

(51)

Għandu jkun possibbli għall-firmatarju li jafda apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi lil parti terza, dment li jiġu implimentati mekkaniżmi u proċeduri xierqa biex jiġi żgurat li l-firmatarju jkollu kontroll esklużiv fuq l-użu tad-data għall-ħolqien tal-firma elettronika tiegħu, u li r-rekwiżiti tal-firem elettroniċi kwalifikati jiġu sodisfatti bl-użu tal-apparat.

(52)

Il-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod, fejn l-ambjent ta’ ħolqien ta’ firem elettroniċi huwa ġestit minn fornitur ta’ servizz fiduċjarju f’isem il-firmatarju, hu mistenni li jiżdied fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi multipli tiegħu. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li dawn il-firem elettroniċi jirċievu l-istess rikonoxximent legali bħall-firem elettroniċi maħluqin f’ambjent ġestit kompletament-mill-utenti, il-fornitur ta’ servizz ta’ firem elettroniċi mill-bogħod għandhom japplikaw proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ sigurtà amministrattiva speċifiċi u jużaw sistemi u prodotti affidabbli, inklużi mezzi siguri ta’ komunikazzjoni elettronika, sabiex ikun garantit li l-ambjent ta’ ħolqien ta’ firem elettroniċi jkun affidabbli u jintuża taħt il-kontroll esklużiv tal-firmatarju. Fejn firma elettronika kwalifikata tkun inħolqot permezz ta’ apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mill-bogħod, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti applikabbli għall-fornituri tas-servizz fiduċjarju kwalifikati stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(53)

Is-sospensjoni ta’ ċertifikati kwalifikati hija prattika operazzjonali stabbilita tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji f’għadd ta’ Stati Membri, li hija differenti minn revoka u tinkludi t-telf temporanju tal-validità ta’ ċertifikat. Għall-fini ta’ ċertezza legali, l-istatus ta’ sospensjoni ta’ ċertifikat għandu dejjem jiġi indikat b’mod ċar. Għal dak l-għan, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jindikaw b’mod ċar l-istatus taċ-ċertifikat u, jekk ikun ġie sospiż, il-perijodu ta’ żmien preċiż li matulu ċ-ċertifikat ikun ġie sospiż. Dan ir-Regolament ma għandux jimponi l-użu ta’ sospensjoni fuq il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jew fuq l-Istati Membri, iżda għandu jipprevedi regoli trasparenti meta u fejn tali prattika tkun disponibbli.

(54)

L-interoperabbiltà u r-rikonoxximent ta’ ċertifikati kwalifikati transkonfinali huma prekondizzjoni għar-rikonoxximent transkonfinali tal-firem elettroniċi kwalifikati. Għalhekk, iċ-ċertifikati kwalifikati ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stipulat f’dan ir-Regolament. Madankollu, fil-livell nazzjonali, l-inklużjoni ta’ attributi speċifiċi, bħal identifikaturi uniċi, fiċ-ċertifikati kwalifikati għandhom jitħallew, dment li tali attributi speċifiċi ma jfixklux l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent transkonfinali ta’ ċertifikati kwalifikati u firem elettroniċi.

(55)

Iċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-IT abbażi tal-istandards internazzjonali (bħall-ISO 15408 u metodi ta’ evalwazzjoni u arranġamenti ta’ rikonoxximent reċiproku relatati) hija għodda importanti biex tiġi vverifikata s-sigurtà ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi u għandha tiġi promossa. Madankollu, is-soluzzjonijiet u s-servizzi innovattivi bħal firma biċ-ċellulari u firma fil-cloud jiddependu minn soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li għalihom jista’ jkun li għadhom mhumiex disponibbli standards ta’ sigurtà jew li l-ewwel ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-IT tkun għadha għaddejja. Il-livell ta’ sigurtà ta’ tali apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jista’ jiġi vvalutat bl-użu ta’ proċessi alternattivi biss fejn tali standards ta’ sigurtà mhumiex disponibbli jew l-ewwel ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-IT tkun għadha għaddejja. Dawk il-proċessi għandhom ikunu paragunabbli mal-istandards għaċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà tal-IT dment li l-livelli ta’ sigurtà tagħhom ikunu ekwivalenti. Dawk il-proċessi jistgħu jiġu ffaċilitati permezz ta’ reviżjoni bejn il-pari.

(56)

Dan ir-Regolament għandu jistipula rekwiżiti għall-apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi biex tiġi żgurata l-funzjonalità tal-firem elettroniċi avvanzati. Dan ir-Regolament m’għandux ikopri l-ambjent tas-sistema sħiħa li fih jopera tali apparat. Għalhekk, l-ambitu taċ-ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem għandu jkun limitat għall-hardware u s-software tas-sistema li jintużaw għall-ġestjoni u l-protezzjoni tad-data dwar il-ħolqien tal-firem maħluqa, maħżuna jew ipproċessata fl-apparat għall-ħolqien tal-firem. Kif spjegat fid-dettall fl-istandards rilevanti, l-ambitu tal-obbligu taċ-ċertifikazzjoni għandu jeskludi applikazzjonijiet għall-ħolqien tal-firem.

(57)

Biex tiġi żgurata ċertezza legali fir-rigward tal-validità tal-firma, huwa essenzjali li jiġu speċifikati l-komponenti ta’ firma elettronika kwalifikata li għandhom jiġu vvalutati mill-parti dipendenti li twettaq il-validazzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżit ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li jistgħu jipprovdu servizz ta’ validazzjoni kwalifikat lil partijiet dipendenti li mhumiex lesti jew li ma jistgħux iwettqu l-validazzjoni huma stess ta’ firem elettroniċi kwalifikati, għandha tistimula lis-settur privat u pubbliku biex jinvesti f’tali servizzi. Iż-żewġ elementi għandhom jagħmlu l-validazzjoni ta’ firma elettronika kwalifikata faċli u konvenjenti għall-partijiet kollha fil-livell tal-Unjoni.

(58)

Meta transazzjoni tkun tesiġi siġill elettroniku kwalifikat minn persuna ġuridika, firma elettronika kwalifikata mir-rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika għandha wkoll tkun aċċettabbli.

(59)

Is-siġilli elettroniċi għandhom iservu bħala evidenza li dokument elettroniku nħareġ minn persuna ġuridika, li jiżgura ċ-ċertezza tal-oriġini u l-integrità tad-dokument.

(60)

Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji li joħorġu ċertifikati kwalifikati għas-siġill elettronika għandhom jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu l-identità tal-persuna fiżika li tirrappreżenta l-persuna ġuridika li tiġi pprovduta ċ-ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku, meta tinħtieġ tali identifikazzjoni fil-livell nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.

(61)

Dan ir-Regolament għandu jiżgura l-preservazzjoni fit-tul tal-informazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-validità legali tal-firma elettronika u tas-siġilli elettroniċi fuq perijodi ta’ żmien estiżi, u jkun hemm garanzija li dawn jistgħu jiġu vvalidati irrispettivament mill-bidliet teknoloġiċi futuri.

(62)

Sabiex jiżgura s-sigurtà tat-timbri tal-ħin elettroniċi kwalifikati, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ l-użu ta’ siġill elettroniku avvanzat jew ta’ firma elettronika avvanzata jew ta’ metodi oħra ekwivalenti. Huwa previst li l-innovazzjoni tista’ twassal għal teknoloġiji ġodda li jistgħu jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sigurtà għat-timbri tal-ħin. Kull meta jintuża metodu ieħor differenti minn siġill elettroniku avvanzat jew firma elettronika avvanzata, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu jkollu r-responsabbiltà li juri, fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità, li tali metodu jiżgura livell ekwivalenti ta’ sigurtà u jikkonforma mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(63)

Id-dokument elettroniċi huma importanti għal aktar żvilupp ta’ transazzjonijiet elettroniċi transkonfinali fis-suq intern. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-prinċipju li dokument elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali minħabba li huwa f’forma elettronika sabiex jiġi żgurat li transazzjoni elettronika ma tiġix rifjutata biss għal raġunijiet li dokument huwa f’forma elettronika.

(64)

Meta tindirizza formati ta’ firem u siġilli elettroniċi avvanzati, il-Kummissjoni għandha tibni fuq prattiki, standards u leġislazzjonijiet eżistenti, b’mod partikolari d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE (11).

(65)

Minbarra l-awtentikazzjoni tad-dokument maħruġ minn persuna ġuridika, is-siġilli elettroniċi jistgħu jintużaw biex jawtentikaw kwalunkwe assi diġitali tal-persuna ġuridika, bħal kodiċi ta’ software jew servers.

(66)

Huwa essenzjali li jiġi previst qafas legali biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent transkonfinali bejn is-sistemi legali nazzjonali eżistenti relatati mas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja li huma rreġistrati. Dak il-qafas jista’ jiftaħ ukoll opportunitajiet ta’ swieq ġodda għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji tal-Unjoni biex joffru servizzi ġodda elettroniċi ta’ konsenja li huma reġistrati pan-Ewropej.

(67)

Is-servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi jipprovdu mezz li bih persuna li tidħol f’sit elettroniku tista’ tkun żgurata li wara s-sit elettroniku hemm entità ġenwina u leġittima. Dawk is-servizzi jikkontribwixxu biex tinbena l-fiduċja u l-kunfidenza fit-twettiq tan-negozju online, billi l-utenti jkollhom fiduċja f’sit elettroniku li tkun ġiet awtentikata. Il-forniment u l-użu ta’ servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi huma kompletament volontarji. Madankollu, sabiex l-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ssir mezz biex tittejjeb il-fiduċja, li tipprovdi esperjenza aħjar għall-utent u tkattar it-tkabbir fis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jistipula l-obbligi minimi ta’ sigurtà u responsabbiltà għall-fornituri u s-servizzi tagħhom. Għal dak l-għan, ittieħed kont tar-riżultati tal-inizjattivi eżistenti mmexxijin mill-industrija, per eżempju l-Awtoritajiet ta’ Ċertifikazzjoni/Browsers Forum - Forum CA/B. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi l-użu ta’ mezzi jew metodi oħra biex jawtentikaw siti elettroniċi li ma taqax taħt dan ir-Regolament u lanqas m’għandu jostakola fornituri ta’ servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ta’ pajjiżi terzi milli jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-klijenti fl-Unjoni. Madankollu, is-servizzi ta’ awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi ta’ fornitur ta’ pajjiż terz għandhom ikunu rikonoxxuti bħala kwalifikati, skont dan ir-Regolament, biss jekk ikun ġie konkluż ftehim internazzjonali bejn l-Unjoni u l-pajjiż ta’ stabbiliment tal-fornitur.

(68)

Il-kunċett ta ‘persuni ġuridiċi’ skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (TFUE) dwar l-istabbiliment, iħalli lill-operaturi liberi li jagħżlu l-forma legali li huma jqisu xierqa biex iwettqu l-attività tagħhom. Għaldaqstant, ‘persuni ġuridiċi’, fis-sens tat-TFUE, tfisser l-entitajiet kollha kkostitwiti taħt, jew irregolati minn, il-liġi ta’ Stat Membru, irrispettivament mill-forma legali tagħhom.

(69)

L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni huma mħeġġa jirrikonoxxu l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji koperti minn dan ir-Regolament għall-fini ta’ kapitalizzazzjoni kooperattiva amministrattiva, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ prassi tajba eżistenti u r-riżultati ta’ proġetti li għaddejjin fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

(70)

Sabiex ċerti aspetti tekniċi dettaljati ta’ dan ir-Regolament ikunu kkomplementati b’mod flessibbli u rapidu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ kriterja li għandha tiġi sodisfatta mill-korpi responsabbli għaċ-ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(71)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni, b’mod partikolari biex jiġu speċifikati l-għadd ta’ referenza ta’ standards li l-użu tagħhom jirriżulta f’preżunzjoni ta’ konformità ma’ ċerti rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(72)

Meta tadotta atti delegati jew ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla minn organizzazzjonijiet u korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali, b’mod partikolari l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI), l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) u l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà u interoperabbiltà tal-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji.

(73)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza u ċarezza legali, id-Deċiżjoni 1999/93/KE għandha titħassar.

(74)

Sabiex tkun żgurata ċertezza legali għal operaturi tas-suq li diġà jużaw ċertifikati kwalifikati maħruġa lill-persuni fiżiċi f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, jeħtieġ li jkun previst perijodu ta’ żmien suffiċjenti għal finijiet transizzjonali. Bl-istess mod, għandhom ikunu stabbiliti miżuri transizzjonali għal apparat għall-ħolqien tal-firem siguri, li l-konformità tagħhom ġiet iddeterminata f’konformità mad-Direttiva 1999/93/KE, kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati kwalifikati qabel l-1 ta’ Lulju 2016. Fl-aħħarnett, huwa meħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata l-mezzi biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati qabel dik id-data.

(75)

Id-dati ta’ applikazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jaffettwawx l-obbligi eżistenti li diġà għandhom l-Istati Membri skont id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari skont id-Direttiva 2006/123/KE.

(76)

Billi għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(77)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u ta opinjoni fis-27 ta’ Settembru 2012 (14),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jkun hemm l-għan ta’ livell adegwat ta’ sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji dan ir-Regolament:

(a)

jistipula l-kondizzjonijiet li skonthom l-Istati Membri jirrikonoxxu l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor,

(b)

jistipula r-regoli għas-servizzi fiduċjarji, b’mod partikolari għal transazzjonijiet elettroniċi u

(c)

jistabbilixxi qafas legali għall-firem elettroniċi, is-siġilli elettroniċi, it-timbri tal-ħin elettroniċi, id-dokumenti elettroniċi, is-servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati u s-servizzi ta’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li ġew notifikati minn Stat Membru, u għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti fl-Unjoni.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-forniment ta’ servizzi fiduċjarji li jintużaw esklussivament f’sistemi magħluqa li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali jew minn ftehimiet bejn grupp definit ta’ parteċipanti.

3.   Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-liġi nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni marbuta mal-konklużjoni u l-validità ta’ kuntratti jew obbligi legali jew proċedurali oħra.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘identifikazzjoni elettronika’ tfisser il-proċess tal-użu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna f’forma elettronika li tkun tirrapreżenta b’mod esklussiv jew persuna fiżika jew ġuridika, jew persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(2)

‘mezz ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser unità fiżika u/jew mhux fiżika li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni ta’ servizzi online;

(3)

‘data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna’ tfisser sett ta’ data li permezz tagħha tkun tista’ tiġi stabbilita l-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika jew ta’ persuna fiżika li tkun qed tirrappreżenta persuna ġuridika;

(4)

‘skema ta’ identifikazzjoni elettronika’ tfisser sistema għall-identifikazzjoni elettronika li skontha jinħarġu mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika lil persuni jew persuni ġuridiċi, jew persuni fiżiċi li jkunu qed jirrappreżentaw persuni ġuridiċi;

(5)

‘awtentikazzjoni’ tfisser proċess elettroniku li jippermetti l-konferma tal-identifikazzjoni elettronika ta’ persuna fiżika jew ġuridika; jew tal-oriġini u l-integrità ta’ data f’forma elettronika;

(6)

‘parti dipendenti’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tiddependi fuq l-identifikazzjoni elettronika jew servizz fiduċjarju;

(7)

‘korp tas-settur pubbliku’ tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat bid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni magħmula minn awtorità jew diversi tali awtoritajiet jew korp jew diversi tali korpi, jew entità privata mogħtija mandat minn tal-inqas waħda minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi jew l-assoċjazzjonijiet biex tipprovdi servizzi pubbliċi meta taġixxi skont tali mandat;

(8)

‘korp irregolat mid-dritt pubbliku’ tfisser korp iddefinit fil-punt (4) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(9)

‘firmatarju’ tfisser persuna fiżika li toħloq firma elettronika;

(10)

‘firma elettronika’ tfisser data f’forma elettronika li tinhemeż ma’ data elettronika oħra jew tiġi assoċjata b’mod loġiku magħha u li tintuża mill-firmatarju biex jiffirma;

(11)

‘firma elettronika avvanzata’ tfisser firma elettronika li tissodisfa r-rekwiżitistabbiliti fl-Artikolu 26;

(12)

‘firma elettronika kwalifikata’ tfisser firma elettronika avvanzata li tkun maħluqa minn apparat għall-ħolqien tal-firem elettroniċi kwalifikati, u li tkun ibbażata fuq ċertifikat kwalifikat għall-firem elettroniċi;

(13)

‘data għall-ħolqien ta’ firma elettronika’ tfisser data unika li tintuża mill-firmatarju biex joħloq firma elettronika;

(14)

‘ċertifikat għall-firma elettronika’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika ma’ persuna fiżika u tikkonferma mill-inqas l-isem jew il-psewdonimu ta’ dik il-persuna;

(15)

‘ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika’ tfisser ċertifikat għall-firem elettroniċi, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I;

(16)

‘servizz fiduċjarju’ tfisser servizz elettroniku normalment fornut għal remunerazzjoni li jikkonsisti minn:

(a)

il-ħolqien, il-verifika, u l-validazzjoni ta’ firem elettroniċi, siġilli elettroniċi jew timbri tal-ħin elettroniċi, servizzi elettroniċi ta’ konsenja li huma reġistrati u ċertifikati marbuta ma’ dawk is-servizzi, jew

(b)

il-ħolqien, il-verifika u l-validazzjoni ta’ ċertifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi, jew

(c)

il-preservazzjoni ta’ firem, siġilli jew ċertifikati elettroniċi marbuta ma’ dawn is-servizzi;

(17)

‘servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser servizz fiduċjarju li jkun jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati f’dan ir-Regolament;

(18)

‘korp tal-valutazzjoni tal-konformità’ tfisser korp definit fil-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, li huwa akkreditat f’konformità ma’ dak ir-Regolament bħala kompetenti biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li jipprovdi;

(19)

‘fornitur ta’ servizzi fiduċjarji’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz fiduċjarju wieħed jew aktar, jew bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew mhux kwalifikati;

(20)

‘fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat’ tfisser fornitur ta’ servizz fiduċjarj li jipprovdi servizz fiduċjarju kwalifikat wieħed jew aktar u li jingħata lilu l-istatus kwalifikat mill-korp superviżorju;

(21)

‘prodott’ tfisser hardware jew software, jew komponenti rilevanti ta’ hardware jew software, li jkunu maħsuba biex jintużaw għal forniment ta’ servizzi fiduċjarji;

(22)

‘apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ firma elettronika;

(23)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(24)

‘kreatur ta’ siġill’ tfisser persuna ġuridika li toħloq siġill elettroniku;

(25)

‘siġill elettroniku’ tfisser id-data fil-forma elettronika li tiġi mehmuża jew assoċjata loġikament ma’ data oħra f’forma elettronika biex jiġu żgurati l-oriġini u l-integrità ta’ din tal-aħħar;

(26)

‘siġill elettroniku avvanzat’ tfisser siġill elettroniku, li jkun jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 36;

(27)

‘siġill elettroniku kwalifikat’ tfisser siġill elettroniku avvanzat, li jinħoloq minn apparat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi kwalifikat, u li jkun ibbażat fuq ċertifikat kwalifikat ta’ siġill elettroniku;

(28)

‘data għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser data unika, li tintuża mill-kreatur tas-siġill elettroniku biex joħloq siġill elettroniku;

(29)

‘ċertifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser attestazzjoni elettronika li tikkollega data ta’ validazzjoni ta’ siġill elettroniku ma’ persuna fiżika u tikkonferma l-isem ta’ dik il-persuna;

(30)

‘ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku’ tfisser ċertifikat għal siġill elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Anness III;

(31)

‘apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser software jew hardware konfigurat użat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(32)

‘apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku’ tfisser apparat għall-ħolqien ta’ siġill elettroniku li jissodisfa mutatis mutandis ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness II;

(33)

‘timbru tal-ħin elettroniku’ tfisser data fil-forma elettronika li torbot data oħra f’forma elettronika ma’ ħin partikolari u b’hekk tiġi stabbilita evidenza li din tal-aħħar kienet teżisti f’dak il-ħin;

(34)

‘timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat’ tfisser timbru tal-ħin elettroniku li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42;

(35)

‘dokument elettroniku’ tfisser kwalunkwe kontenut maħżun f’forma elettronika, b’mod partikolari bħala test jew reġistrazzjoni awdjo, viżiva jew awdjoviżiva;

(36)

‘servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trasmissjoni ta’ data bejn partijiet terzi b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trasmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trasmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, ħsara jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(37)

‘servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat’ tfisser servizz elettroniku ta’ konsenja elettronika rreġistrat li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 44;

(38)

’ ċertifikat tal-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi’ tfisser attestazzjoni li permezz tagħha tkun possibbli l-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku u jorbot is-sit elettroniku mal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(39)

‘ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku’ tfisser ċertifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku, li jinħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat u jissodisfa r-rekwiżiti stipulat fl-Anness IV;

(40)

‘data ta’ validazzjoni’ tfisser data li tintuża għall-validazzjoni ta’ firma elettronika jew ta’ siġill elettroniku;

(41)

‘validazzjoni’ tfisser il-proċess ta’ verifika u konferma li firma elettronika jew siġill huwa validu.

Artikolu 4

Prinċipju tas-suq intern

1.   Ma għandux ikun hemm restrizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi fiduċjarji fit-territorju ta’ Stat Membru minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji stabbilit fi Stat Membru ieħor għal raġunijiet li jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-prodotti u s-servizzi fiduċjarji li jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

Artikolu 5

Proċessar u protezzjoni ta’ data

1.   L-ipproċessar ta’ tali data għandu jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-effett legali mogħti lil psewdonimi skont il-liġi nazzjonali, l-użu tal-psewdonimi fi transazzjonijiet elettroniċi ma għandux jiġi pprojbit.

KAPITOLU II

IDENTIFIKAZZJONI ELETTRONIKA

Artikolu 6

Rikonoxximent reċiproku

1.   Meta tinħtieġ identifikazzjoni elettronika bl-użu ta’ mezz ta’ identifikazzjoni elettronika u awtentikazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew permezz tal-prassi amministrattiva nazzjonali għall-aċċess għal servizz ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku online fi Stat Membru, il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġ fi Stat Membru ieħor għandu jiġi rikonoxxut fl-ewwel Stat Membru għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għal dak is-servizz online dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jinħareġ taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika li hija inkluża fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9;

(b)

il-livell ta’ assigurazzjoni tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni daqs jew ogħla mil-livell ta’ assigurazzjoni mitlub mill-korp tas-settur pubbliku rilevanti għall-aċċess għal dak is-servizz online fl-ewwel Stat Membru, dment li l-livell ta’ assigurazzjoni ta’ dak il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jikkorrispondi għal livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali jew għoli;

(c)

il-korp rilevanti tas-settur pubbliku juża livell sostanzjali jew għoli ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-aċċess għal dak is-servizz online.

Tali rikonoxximent għandu jseħħ mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li l-Kummissjoni tippubblika l-lista msemmija fil-punt (a) tal-ewwel s-subparagrafu.

2.   Il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika li jinħareġ skont skema ta’ identifikazzjoni elettronika inkluż fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 9 u li jikkorrispondi għal-livell ta’ assigurazzjoni baxx jista’ jiġi rikonoxxut mill-korpi tas-settur pubbliku għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transkonfinali għas-servizz pprovdut online minn dawk il-korpi.

Artikolu 7

Eliġibbilità għan-notifika tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

Skema ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun eliġibbli għal notifika skont l-Artikolu 9(1) dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jinħarġu:

(i)

mill-Istat Membru li jinnotifika;

(ii)

skont mandat mill-Istat Membru li jinnotifika; jew

(iii)

b’mod indipendenti mill-Istat Membru li jinnotifika u jiġu rikonoxxuti minn dak l-Istat Membru;

(b)

il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika jistgħu jintużaw biex għall-inqas jinkiseb aċċess għal servizz wieħed ipprovdut minn korp tas-settur pubbliku u li jkun jeħtieġ identifikazzjoni elettronika fl-Istat Membru li jinnotifika;

(c)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika u l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skontha jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ mill-inqas wieħed mil-livelli ta’ assigurazzjoni stabbiliti mill-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(d)

‘l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura li d-data tal-identifikazzjoni tal-persuna li tirrappreżenta b’mod esklussiv il-persuna inkwistjoni tkun attribwita f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3), lill-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 3 fil-ħin tal-ħruġ tal-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema;

(e)

il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika skont dik l-iskema tiżgura li l-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika jiġi attribwit lill-persuna msemmija fil-punt (d) ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri għal-livell ta’ assigurazzjoni rilevanti stabbilit fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(3);

(f)

l-Istat Membru li jinnotifika jiżgura d-disponibbiltà ta’ awtentikazzjoni online, sabiex kwalunkwe parti dipendenti stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun tista’ tikkonferma d-data ta’ identifikazzjoni tal-persuna li kienet riċevuta f’forma elettronika.

Għal partijiet dipendenti li mhumiex korpi tas-settur pubbliku l-Istat Membru notifikanti jista’ jiddefinixxi t-termini ta’ aċċess għal dik l-awtentikazzjoni. L-awtentikazzjonijiet transkonfinali għandhom jingħataw mingħajr ħlas meta jitwettqu fir-rigward ta’ servizz online pprovdut minn korp tas-settur pubbliku.

L-Istati Membri ma għandhom jimponu ebda rekwiżit tekniku speċifiku sproporzjonat fuq partijiet dipendenti li bi ħsiebhom iwettqu tali awtentikazzjoni, fejn tali rekwiżiti jipprevjenu jew jimpedixxu b’mod sinifikanti l-interoperabilità tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettroniċi nnotifikati;

(g)

mill-inqas sitt xhur qabel in-notifika skont l-Artikolu 9(1), l-Istat Membru notifikanti jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra għall-finijiet tal-obbligu skont l-Artikolu 12(5), deskrizzjoni ta’ dik l-iskema f’konformità mal-arranġamenti proċedurali stabbiliti bl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(7);

(h)

l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika tissodisfa r-rekwiżiti tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 12(8).

Artikolu 8

Livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika

1.   Skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) għandha tispeċifika l-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u/jew għoli għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa skont dik l-iskema.

2.   Il-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli għandhom jissodisfaw rispettivament il-kriterji li ġejjin:

(a)

livell ta’ assigurazzjoni baxx għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad limitat ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(b)

livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad sostanzjali ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna, u li huwa kkaratterizzata b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom huwa li jnaqqsu sostanzjalment ir-riskju ta’ użu ħażin jew tibdil fl-identità.

(c)

livell ta’ assigurazzjoni għoli għandu jirreferi għal mezz ta’ identifikazzjoni elettronika fil-kuntest ta’ skema ta’ identifikazzjoni elettronika, li jipprovdi grad ogħla ta’ fiduċja fl-identità ddikjarata jew asserita ta’ persuna mill-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika b’livell ta’ assigurazzjoni sostanzjali, u li huwa kkaratterizzat b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri relatati magħhom, inklużi l-kontrolli tekniċi, li l-għan tagħhom hu li jipprevjenu l-użu ħażin jew tibdil fl-identità.

3.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-istandards internazzjonali rilevanti, u soġġett għall-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet tekniċi minimi, standards u proċeduri li, b’referenza għalihom, il-livelli ta’ assigurazzjoni baxx, sostanzjali u għoli huma speċifikati għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għall-finijiet tal-paragrafu 1.

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi minimi, l-istandards u l-proċeduri għandhom jiġu stipulati b’referenza għall-affidabbiltà u l-kwalità tal-elementi li ġejjin:

(a)

il-proċedura biex tiġi ppruvata u verifikata l-identità ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li japplikaw għall-ħruġ ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(b)

il-proċedura għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika rikjesti;

(c)

il-mekkaniżmu ta’ awtentikazzjoni, li permezz tiegħu l-persuna fiżika jew ġuridika tuża l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika biex tikkonferma l-identità tagħha lil parti dipendenti.

(d)

l-entità li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

kwalunkwe korp ieħor involut fl-applikazzjoni għall-ħruġ tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika; u

(f)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u tas-sigurtà tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 9

Notifika

1.   L-Istati Membri notifikanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja u mingħajr dewmien bla bżonn, kwalunkwe bidla sussegwenti li ssirilha:

(a)

deskrizzjoni tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika, inklużi l-livelli ta’ assigurazzjoni tagħha u l-emittent jew emittenti tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-iskema;

(b)

ir-reġim superviżorju applikabbli u l-informazzjoni dwar ir-reġim ta’ responsabbiltà fir-rigward ta’ dan li ġej:

(i)

il-parti li toħroġ il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika, u

(ii)

il-parti li topera l-proċedura ta’ awtentikazzjoni.

(c)

l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika;

(d)

informazzjoni dwar l-entità jew l-entitajiet li jamministraw ir-reġistrazzjoni tad-data unika ta’ identifikazzjoni ta’ persuna;

(e)

deskrizzjoni dwar kif ir-rekwiżiti stipulati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(8) jiġu sodisfatti;

(f)

deskrizzjoni tal-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7;

(g)

l-arranġamenti għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata jew tal-awtentikazzjoni jew tal-partijiet kompromessi kkonċernati.

2.   Sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8), il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea lista ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika li ġew notifikati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni bażika dwarhom.

3.   Jekk il-Kummissjoni tirċievi notifika wara li jkun skada l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2, hija għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi għal-lista msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien xahrejn mid-data ta’riċeviment ta’ dik in-notifika.

4.   Stat Membru jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni talba li titneħħa l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata minn dak l-Istat Membru mil-lista msemmija fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti fil-lista fi żmien xahar mid-data tar-riċeviment tat-talba tal-Istat Membru.

5.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi, il-formati u l-proċeduri tan-notifiki taħt il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 10

Ksur tas-sigurtà

1.   Fejn ikun hemm ksur jew tiġi kompromessa parzjalment l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1) jew l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7 b’mod li jaffettwa l-affidabbiltà tal-awtentikazzjoni transkonfinali ta’ dik l-iskema, l-Istat Membru li jinnotifika għandu mingħajr dewmien, jissospendi jew jirrevoka dik l-awtentikazzjoni transkonfinali jew il-partijiet kompromessi konċernati, u għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.   Meta jinstab rimedju għall-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jerġa’ jistabbilixxi l-awtentikazzjoni transkonfinali u għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.   Jekk il-ksur jew il-kompromess imsemmi fil-paragrafu 1 ma jkunx rimedjat fi żmien tliet xhur mis-sospensjoni jew mir-revoka, l-Istat Membru li jinnotifika għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar l-irtirar tal-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-emendi korrispondenti għal-lista msemmija fl-Artikolu 9(2) mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 11

Responsabbiltà

1.   L-Istat Membru notifikanti għandu jkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tiegħu li jikkonformi mal-obbligi tiegħu skont il-punti (d) u (f) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.

2.   Il-parti li toħroġ il-mezz ta’ identifikazzjoni elettronika għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligu msemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 7 fi transazzjoni transkonfinali.

3.   Il-parti li tħaddem il-proċedura ta’ awtentikazzjoni għandha tkun responsabbli għall-ħsara kkawżata apposta jew minħabba negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba n-nuqqas tagħha li tħaddem tajjeb l-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 7, fi transazzjoni transkonfinali.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu applikati f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

5.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà, skont il-liġi nazzjonali, ta’ partijiet fi transazzjoni li fiha jintużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata skont l-Artikolu 9(1).

Artikolu 12

Kooperazzjoni u interoperabbiltà

1.   L-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali notifikati skont l-Artikolu 9(1) għandhom ikunu interoperabbli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandu jiġi stabbilit qafas ta’ interoperabbiltà.

3.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a)

ikollu l-għan li jkun teknoloġikament newtrali u ma jiddiskriminax bejn kwalunkwe soluzzjoni teknika nazzjonali speċifika għall-identifikazzjoni elettronika fi Stat Membru;

(b)

isegwi standards Ewropej u internazzjonali, fejn possibbli;

(c)

jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ privatezza fid-disinn; u

(d)

jiżgura li d-data personali tiġi pproċessata f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE.

4.   Il-qafas ta’ interoperabbiltà għandu jikkonsisti minn:

(a)

referenza għal rekwiżiti tekniċi minimi marbuta mal-livelli ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(b)

deskrizzjoni dettaljata tal-livelli ta’ assigurazzjoni nazzjonali ta’ skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati fil-livell ta’ assigurazzjoni skont l-Artikolu 8;

(c)

referenza għar-rekwiżiti tekniċi minimi għall-interoperabbiltà;

(d)

referenza għal sett minimu ta’ data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna li tirrappreżenta b’mod uniku persuna fiżika jew legali, li hija disponibbli minn skemi ta’ identifikazzjoni elettronika;

(e)

regoli ta’ proċedura;

(f)

arranġamenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; u

(g)

standards tas-sigurtà operazzjonali komuni.

5.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw fir-rigward ta’ dan li ġej:

(a)

l-interoperabbiltà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati skont l-Artikolu 9(1) u l-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li l-Istati Membri biħsiebhom jinnotifikaw; u

(b)

is-sigurtà tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika.

6.   Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għandha tkun magħmula minn:

(a)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward skemi ta’ identifikazzjoni elettronika u, b’mod partikolari rekwiżiti tekniċi marbuta mal-interoperabbiltà u l-livelli ta’ assigurazzjoni;

(b)

l-iskambju ta’ informazzjoni, esperjenza u prassi tajba rigward ħidma b’livelli ta’ assigurazzjoni tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 8;

(c)

reviżjoni bejn il-pari tal-iskemi ta’ identifikazzjoni elettronika li jaqgħu taħt dan ir-Regolament; u

(d)

eżami tal-iżviluppi rilevanti fis-settur tal-identifikazzjoni elettronika.

7.   Sat-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi l-arranġamenti proċedurali meħtieġa biex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 5 u 6 bil-ħsieb li trawwem livell għoli ta’ fiduċja u sigurtà xierqa għall-grad ta’ riskju.

8.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, għall-fini li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżit skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u filwaqt li jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar il-qafas ta’ interoperabbiltà kif stipulat fil-paragrafu 4.

9.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 7 u 8 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

KAPITOLU III

SERVIZZI FIDUĊJARJI

TAQSIMA 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 13

Responsabbiltà u oneru tal-provi

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji għandhom ikunu responsabbli għal ħsara kkawżata intenzjonalment jew b’negliġenza lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament.

L-oneru tal-provi ta’ intenzjoni jew negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikat għandu jkun fir-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara l-ħsara msemmija fl-ewwel subaragrafu.

L-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandha tkun preżunta għajr jekk dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat jagħti prova li l-ħsara msemmija fl-ewwel subparagrafu saret mingħajr l-intenzjoni jew in-negliġenza ta’ dak il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat.

2.   Fejn il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jinformaw kif dovut lill-klijenti tagħhom minn qabel dwar il-limitazzjonijiet tal-użu tas-servizzi li huma jipprovdu u fejn dawk il-limitazzjonijiet ikunu rikonoxxibbli għall-partijiet terzi, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ħsarat li jirriżultaw mill-użu ta’ servizzi li jaqbżu l-limitazzjonijiet indikati.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà.

Artikolu 14

Aspetti internazzjonali

1.   Servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji stabbiliti f’pajjiż terz għandhom ikunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fl-Unjoni fejn is-servizzi fiduċjarji li joriġinaw mill-pajjiż terz ikunu rikonoxxuti skont ftehim konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz inkwistjoni jew organizzazzjoni internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 218 TFUE.

2.   Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li:

(a)

ir-rekwiżiti applikabbli għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fl-Unjoni u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jkunu sodisfatti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjonijiet internazzjonali li magħhom ikun konkluż il-ftehim, u mis-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu;

(b)

is-servizzi fiduċjarji kwalifikati pprovduti minn fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat stabbilit fl-Unjoni jkunu rikonoxxuti bħala legalment ekwivalenti għal servizzi fiduċjarji pprovduti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali li magħha jkun konkluż il-ftehim.

Artikolu 15

Aċċessibbiltà għal persuni b’diżabbiltà

Fejn ikun vijabbli, is-servizzi fiduċjarji pprovduti u l-prodotti ta’ utenti aħħarin użati fil-forniment ta’ dawk is-servizzi għandhom ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabbiltà.

Artikolu 16

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diżważivi.

TAQSIMA 2

Superviżjoni

Artikolu 17

Bord superviżorju

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp superviżorju stabbilit fit-territorju tagħhom jew, bi ftehim reċiproku ma’ Stat Membru ieħor, korp superviżorju stabbilit f’dak l-Istat Membru l-ieħor. Dak il-korp għandu jkun responsabbli għall-kompiti superviżorji fl-Istat Membru li jinnomina.

Il-korpi superviżorji għandhom jingħataw is-setgħat neċessarji u riżorsi adegwati għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi superviżorji nominati rispettivi tagħhom.

3.   Ir-rwol tal-korp superviżorju għandu jkun dan li ġej:

(a)

li jwettaq superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina biex jiżgura, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex ante u ex post, li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b)

li jieħu azzjoni, jekk ikun meħtieġ, fir-rigward ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji mhux kwalifikati stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jinnomina, permezz ta’ attivitajiet superviżorji ex post, meta jiġi informat li dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew is-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu allegatament ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3 u soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fih, il-kompiti tal-korp superviżorju, għandhom jinkludu b’mod partikolari:

(a)

li jikkoopera ma’ korpi superviżorji oħra u jipprovdi assistenza lil dawk il-korpi f’konformità mal-Artikolu 18;

(b)

li janalizza r-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 20(1) u 21(1);

(c)

li jinforma lill-korpi superviżorji oħra u lill-pubbliku dwar ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(d)

li jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet prinċipali tiegħu f’konformità mal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu;

(e)

li jwettaq awditi jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati f’konformità mal-Artikolu 20(2);

(f)

li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari, billi jinfurmahom, mingħajr dewmien żejjed, dwar ir-riżultati tal-awditi ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, meta jkun jidher li jkun hemm ksur tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali;

(g)

li jagħti l-istatus kwalifikat lill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi li huma jipprovdu u jirtira dan l-istatus f’konformità mal-Artikoli 20 u 21;

(h)

li jinforma lill-korp responsabbli għal-lista affidabbli nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(3) dwar id-deċiżjonijiet tiegħu li jagħti jew jirtira l-istatus kwalifikat, għajr jekk dak il-korp ikun ukoll il-korp superviżorju;

(i)

li jivverifika l-eżistenza u l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar pjani ta’ terminazzjoni f’każijiet fejn il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu, inkluż kif l-informazzjoni tinżamm aċċessibbli f’konformità mal-punt (h) tal-Artikolu 24(2);

(j)

li jesiġi li l-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji jirrimedjaw kwalunkwe nuqqas milli jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

5.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li korp superviżorju jistabbilixxi, iżomm u jaġġorna infrastruttura fiduċjarja skont il-kondizzjonijiet stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali.

6.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, kull korp superviżorju għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport dwar l-attivitajiet prinċipali tas-sena kalendarja preċedenti tiegħu flimkien ma’ sommarju tan-notifiki ta’ ksur irċevuti minn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji f’konformità mal-Artikolu 19(2).

7.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 6 disponibbli għall-Istati Membri.

8.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għar-rapport imsemmi fil-paragrafu 6. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 18

Assistenza reċiproka

1.   Il-korpi superviżorji għandhom jikkooperaw, bil-għan li jiskambjaw prassi tajba.

Korp superviżorju għandu, fuq ir-riċeviment ta’ talba ġustifikata minn korp superviżorju ieħor, jipprovdi lil dak il-korp assistenza sabiex l-attivitajiet tal-korpi superviżorji jkunu jistgħu jitwettqu b’mod konsistenti. L-assistenza reċiproka tista’ tkopri, b’mod partikolari, talbiet għal informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu spezzjonijiet relatati mar-rapporti dwar il-valutazzjoni tal-konformità kif imsemmi fl-Artikoli 20 u 21.

2.   Korp superviżorju li jirċievi talba għal assistenza jista’ jirrifjuta dik it-talba għal kwalunkwe waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

il-korp superviżorju ma jkunx kompetenti biex jipprovdi l-assistenza mitluba;

(b)

l-assistenza mitluba ma tkunx proporzjonata mal-attivitajiet superviżorji tal-korp superviżorju mwettqa f’konformità mal-Artikolu 17;

(c)

l-għoti tal-assistenza mitluba ma jkunx kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn adatt, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-korpi superviżorji rispettivi tagħhom biex iwettqu investigazzjonijiet konġunti li fihom ikun involut persunal minn korpi superviżorji ta’ Stati Membri oħra. L-arranġamenti u l-proċeduri għal tali azzjonijiet konġunti għandhom jiġu maqbula u stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom.

Artikolu 19

Rekwiżiti ta’ sigurtà applikabbli għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati għandhom jieħdu miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jimmaniġġaw ir-riskji maħluqin għas-sigurtà tas-servizzi fiduċjarji li huma jipprovdu. B’konsiderazzjoni tal-iżviluppi teknoloġiċi l-aktar reċenti, dawk il-miżuri għandhom jiżguraw li l-livell ta’ sigurtà jkun proporzjonat mal-livell ta’ riskju. B’mod partikolari, għandhom jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatt ta’ inċidenti tas-sigurtà u biex dawk interessati jiġu infurmati dwar l-effetti negattivi ta’ kwalunkwe inċident tali.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u mhux kwalifikati għandhom, mingħajr dewmien żejjed iżda fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara li jkunu ġew mgħarrfa, jinnotifikaw lill-korp superviżorju u, fejn applikabbli, lil korpi rilevanti oħra, bħall-korp nazzjonali kompetenti għas-sigurtà tal-informazzjoni jew l-awtorità tal-protezzjoni tad-data, bi kwalunkwe ksur ta’ sigurtà jew nuqqas ta’ integrità li jkollu impatt sinifikanti fuq is-servizz fiduċjarju pprovdut jew fuq id-data personali miżmuma fih.

Fejn il-ksur ta’ sigurtà jew in-nuqqas ta’ integrità jkun x’aktarx ser jaffettwa b’mod negattiv lil persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun ġie pprovdut is-servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji għandu wkoll jinnotifika lill-persuna fiżika jew ġuridika bil-ksur ta’ sigurtà jew bin-nuqqas ta’ integrità mingħajr dewmien żejjed.

Fejn adatt, b’mod partikolari jekk il-ksur ta’ sigurtà jew telf ta’ integrità jikkonċerna żewġ Stati Membri jew iżjed, il-korp superviżorju notifikat għandu jinforma lill-korpi superviżorji fi Stati Membri oħra konċernati u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA).

Il-korp superviżorju notifikat għandu jinforma lill-pubbliku jew jitlob lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji biex jagħmel dan, fejn jiddetermina li l-iżvelar tal-ksur ta’ sigurtà jew tan-nuqqas ta’ integrità huwa fl-interess pubbliku.

3.   Il-korp superviżorju għandu jipprovdi lill-ENISA darba fis-sena sommarju ta’ notifiki ta’ ksur ta’ sigurtà jew tan-nuqqas ta’ integrità riċevuti mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni,:

(a)

tispeċifika ulterjorment il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, u

(b)

tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri, inklużi l-iskadenzi, applikabbli għall-fini tal-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 3

Fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

Artikolu 20

Superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiġu awditjati, bi spejjeż għalihom tal-inqas kull 24 xahar minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità. L-għan tal-awditjar għandu jkun sabiex jiġi kkonfermat li fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu minnhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jippreżentaw ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità li jirriżulta lill-korp superviżorju fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol minn meta jirċivuh.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-korp superviżorju jista’ fi kwalunkwe ħin iwettaq awditu jew jitlob lil korp tal-valutazzjoni tal-konformità biex iwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati, bi spejjeż għal dawk il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, biex jiġi kkonfermat li huma u s-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament. Fejn ikun jidher li kien hemm ksur tar-regoli tal-protezzjoni ta’ data personali, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data bir-riżultati tal-awditi tiegħu.

3.   Fejn il-korp superviżorju jesiġi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat biex jirrimedja nuqqas milli jissodisfa r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament u fejn dak il-fornitur ma jaġixxix kif adatt, u fejn applikabbli f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-korp superviżorju, il-korp superviżorju, filwaqt li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-grad, id-durata u l-konsegwenzi ta’ dak in-nuqqas, jista’ jirtira l-istatus kwalifikat ta’ dak il-fornitur jew tas-servizz affettwat li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1). Il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat bl-irtirar tal-istatus kwalifikat tiegħu jew tal-istatus kwalifikat tas-servizz konċernat.

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi numri ta’ referenza tal-istandards li ġejjin:

(a)

akkreditament tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

regoli tal-awditjar li skonthom il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ser iwettqu l-valutazzjoni tal-konformità tagħhom tal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 21

introduzzjoni ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat

1.   Fejn fornituri ta’ servizzi fiduċjarji, mingħajr status kwalifikat, ikun biħsiebhom jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati, huma għandhom jippreżentaw lill-korp superviżorju notifika dwar l-intenzjoni tagħhom flimkien ma’ rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità maħruġ minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Il-korp superviżorju għandu jivverifika jekk il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi jikkonformawx mar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, u b’mod partikolari mar-rekwiżiti għal fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.

Jekk il-korp superviżorju jikkonkludi li l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u s-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi jikkonformaw mar-rekwiżiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-korp superviżorju għandu jagħti status kwalifikat lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji u lis-servizzi fiduċjarji li huwa jipprovdi u jinforma lill-korp imsemmi fl-Artikolu 22(3) għall-fini tal-aġġornament tal-listi affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara n-notifika f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Jekk il-verifika ma tiġix konkluża fi żmien tliet xhur min-notifika, il-korp superviżorju għandu jinforma lill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji filwaqt li jispeċifika r-raġunijiet għad-dewmien u l-perijodu li fih għandha tiġi konkluża l-verifika.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jistgħu jibdew jipprovdu servizzi fiduċjarji kwalifikati wara li l-istatus kwalifikat ikun ġie indikat fil-listi msemmija fl-Artikolu 22(1).

4.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri għall-fini tal-paragrafi 1 u 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 22

Listi Affidabbli

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, iżomm u jippubblika listi affidabbli inkluża informazzjoni relatata mal-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li għalihom ikun responsabbli flimkien ma’ informazzjoni relatata mas-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, iżommu u jippubblikaw, b’mod sigur, il-listi affidabbli ffirmati jew issiġillati b’mod elettroniku, imsemmija fil-paragrafu 1 f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien żejjed, b’informazzjoni dwar il-korp responsabbli għall-istabbiliment, iż-żamma u l-pubblikazzjoni ta’ listi affidabbli nazzjonali, u dettalji ta’ fejn listi bħal dawn huma ppubblikati, dwar iċ-ċertifikati użati għall-firma jew is-siġill tal-listi affidabbli u kwalunkwe bidla li ssir f’din l-informazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, b’mezz sigur, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ffirmata jew issiġillata b’mod elettroniku adegwat għall-ipproċessar awtomatizzat.

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015 il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tispeċifika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-formati għal-listi affidabbli, applikabbli għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 23

Marka ta’ fiduċja tal-UE għal servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Wara li l-istatus kwalifikat imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(2) ikun ġie indikat fil-lista affidabbli msemmija fl-Artikolu 22(1), il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jistgħu jużaw il-marka ta’ fiduċja tal-UE biex jindikaw b’mod sempliċi, rikonoxxibbli u ċar is-servizzi fiduċjarji kwalifikati li huma jipprovdu.

2.   Meta jużaw il-marka ta’ fiduċja tal-UE għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati għandhom jiżguraw li fis-sit elettroniku tagħhom ikun hemm link għal-lista affidabbli rilevanti.

3.   Sal-1 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tipprovdi għal speċifikazzjonijiet fir-rigward tal-forma, u b’mod partikolari dwar il-preżentazzjoni, il-kompożizzjoni, id-daqs u d-disinn tal-marka ta’ fiduċja tal-UE għas-servizzi fiduċjarji kwalifikati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati

1.   Meta joħroġ ċertifikat kwalifikat għal servizz fiduċjarju, il-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat għandu jivverifika, b’mezzi adatti u f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-identità u, jekk applikabbli, kwalunkwe karatteristika speċifika tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jinħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi vverifikata mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat direttament jew billi jafda f’parti terza f’konformità mal-liġi nazzjonali:

(a)

permezz tal-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika, jew

(b)

mill-bogħod, bl-użu ta’ mezzi ta’ identifikazzjoni elettroniċi, li għalihom qabel il-ħruġ ta’ ċertifikat kwalifikat, tkun ġiet żgurata l-preżenza fiżika tal-persuna fiżika jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-persuna ġuridika u li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8 fir-rigward tal-livelli ta’ assigurazzjoni ‘sostanzjali’ jew ‘għolja’, jew

(c)

permezz ta’ ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata jew ta’ siġill elettroniku kwalifikat maħruġ f’konformità mal-punt (a) jew (b), jew

(d)

bl-użu ta’ metodi oħra ta’ identifikazzjoni rikonoxxuti fil-livell nazzjonali li jipprovdu assigurazzjoni ekwivalenti f’termini ta’ affidabbiltà għal preżenza fiżika. L-assigurazzjoni ekwivalenti għandha tiġi kkonfermata minn korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   Fornitur ta’ servizzi fiduċjarju kwalifikat li jipprovdi servizzi fiduċjarji kwalifikati għandu:

(a)

jinforma lill-korp superviżorju bi kwalunkwe bidla fil-forniment tas-servizzi fiduċjarji kwalifikati tiegħu u intenzjoni li jwaqqaf dawk l-attivitajiet;

(b)

jimpjega persunal u, jekk applikabbli, subkuntratturi li jkollhom il-kompetenza esperta, l-affidabbiltà, l-esperjenza, u l-kwalifiki meħtieġa u li jkunu rċevew taħriġ adatt rigward ir-regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta’ data personali u għandu japplika proċeduri amministrattivi u ta’ ġestjoni, li jikkorrispondu ma’ standards Ewropej jew internazzjonali;

(c)

fir-rigward tar-riskju ta’ responsabbiltà għal ħsara f’konformità mal-Artikolu 13, iżomm riżorsi finanzjarji suffiċjenti u/jew jikseb assigurazzjoni adatta fuq ir-responsabbiltà, f’konformità mal-liġi nazzjonali;

(d)

qabel jidħol f’relazzjoni kuntrattwali, jinforma, b’mod ċar u komprensiv, lil kwalunkwe persuna li tkun qed tfittex li tuża servizz fiduċjarju kwalifikat dwar it-termini u l-kondizzjonijiet preċiżi rigward l-użu ta’ dak is-servizz, inkluża kwalunkwe limitazzjoni fuq l-użu tiegħu;

(e)

juża sistemi u prodotti affidabbli li jkunu protetti kontra modifiki u jiżgura s-sigurtà teknika u l-affidabbiltà tal-proċessi appoġġati minnhom;

(f)

juża sistemi affidabbli biex jaħżen d-data mogħtija lilu, f’forma verifikabbli sabiex:

(i)

din tkun disponibbli pubblikament għal irkupru biss fejn ikun inkiseb il-kunsens tal-persuna li dik id-data tkun relatata magħha,

(ii)

il-persuni awtorizzati biss ikunu jistgħu jdaħħlu entrati u bidliet fid-data maħżuna,

(iii)

id-data tkun tista’ tiġi vverifikata għall-awtentiċità;

(g)

jieħu miżuri adatti kontra l-falsifikazzjoni u s-serq ta’ data;

(h)

iżomm reġistru u jżomm aċċessibbli għal perijodu ta’ żmien adatt, inkluż wara li l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat ikunu waqfu, kull informazzjoni rilevanti dwar data maħruġa u riċevuta mill-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, b’mod partikolari għall-fini li tiġi pprovduta evidenza fi proċedimenti legali u għall-fini li tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. Reġistrazzjoni bħal din tista’ ssir b’mod elettroniku;

(i)

ikollu pjan ta’ terminazzjoni aġġornat sabiex jiżguraw il-kontinwità tas-servizz f’konformità mad-dispożizzjonijiet ivverifikati mill-korp superviżorju skont il-punt (i) tal-Artikolu 17(4);

(j)

jiżguraw ipproċessar legali ta’ data personali f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE;

(k)

fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati, jistabbilixxu u jżommu aġġornata bażi ta’ data taċ-ċertifikati.

3.   Jekk fornitur ta’ servizz fiduċjarju kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati jiddeċiedi li jirrevoka ċertifikat, huwa għandu jirreġistra tali revoka fil-bażi ta’ data taċ-ċertifikati tiegħu u jippubblikaw l-istatus ta’ revoka taċ-ċertifikat mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa wara l-wasla tat-talba. Ir-revoka għandha ssir effettiva immedjatament mal-pubblikazzjoni tagħha.

4.   Fir-rigward tal-paragrafu 3, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li joħorġu ċertifikati kwalifikati għandhom jipprovdu lil kwalunkwe parti dipendenti informazzjoni dwar l-istatus ta’ validità jew ta’ revoka ta’ ċertifikati kwalifikati maħruġa minnhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli tal-anqas fuq bażi ta’ ċertifikat fi kwalunkwe ħin u wara l-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, mingħajr ħlas u effiċjenti.

5.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal sistemi u prodotti affidabbli, li jikkonformaw mar-rekwiżiti skont il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu meta sistemi u prodotti affidabbli jkunu jissodisfaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 4

Firem elettroniċi

Artikolu 25

Effetti legali ta’ firem elettroniċi

1.   Firma elettronika ma għandhiex tiġi miċħuda effett legali u ammissibbilità bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għall-firem elettroniċi kwalifikati.

2.   Firma elettronika kwalifikata għandu jkollha l-effett legali ekwivalenti għal firma bil-miktub.

3.   Firma elettronika kwalifikata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandha tiġi rikonoxxuta bħala firma elettronika kwalifikata fl-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 26

Rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati

Firma elettronika avvanzata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

tkun marbuta b’mod esklussiv mal-firmatarju;

(b)

tista’ tidentifika l-firmatarju;

(c)

tkun maħluqa bl-użu ta’ data għall-ħolqien ta’ firma elettronika li l-firmatarju jkun jista’ juża b’livell għoli ta’ fiduċja, taħt il-kontroll esklussiv tiegħu; u

(d)

tkun marbuta mad-data ffirmata biha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi skoperta.

Artikolu 27

Firem elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru ikun jeħtieġ firma elettronika avvanzata sabiex jintuża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati, il-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew bl-użu tal-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi firma elettronika avvanzata abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-firem elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u firem elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ firma elettronika f’livell ogħla ta’ sigurtà mill-firma elettronika kwalifikata.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal firem elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għall-firem elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 26 meta firma elettronika avvanzata tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi formati ta’ referenza ta’ firem elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 28

Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

2.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

3.   Ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tal-firem elettroniċi kwalifikati.

4.   Jekk ċertifikat kwalifikat għal firem elettroniċi jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, huwa għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu ma għandu jitreġġa’ lura fl-ebda ċirkostanza.

5.   Soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika:

(a)

jekk ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni.

(b)

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

6.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I meta ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 29

Rekwiżiti għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi

1.   L-apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II fejn apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 30

Ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi

1.   Il-konformità ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi mar-rekwiżiti mniżżla fl-Anness II għandha tkun ċertifikata minn korpi pubbliċi jew privati adatti magħżula mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u l-indirizzi tal-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.   Iċ-ċertifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ibbażata fuq waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà mwettaq f’konformità ma’ wieħed mill-istandards għall-valutazzjoni tas-sigurtà tal-prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni inklużi fil-lista stabbilita skont it-tieni subparagrafu, jew

(b)-

proċess ieħor li mhuwiex il-proċess imsemmi fil-punt (a), dment li dan juża livelli komparabbli ta’ sigurtà u dment li l-korp pubbliku jew privat imsemmi fil-paragrafu 1 jinnotifika lill-Kummissjoni b’dak il-proċess. Dak il-proċess jista’ jintuża biss fin-nuqqas ta’ standards imsemmija fil-punt (a) jew meta jkun qed isir il-proċess ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà msemmi fil-punt (a).

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta’ standards għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti tat-teknoloġija tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 47 dwar l-istabbiliment ta’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu sodisfatti mill-korpi magħżula msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 31

Pubblikazzjoni ta’ lista ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li huwa ċċertifikat

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn xahar wara l-konklużjoni taċ-ċertifikazzjoni, bl-informazzjoni dwar apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li ġie ċċertifikat mill-korpi msemmija fl-Artikolu 30(1). Għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien bla bżonn u mhux aktar tard minn xahar wara l-kanċellazzjoni taċ-ċertifikazzjoni, bl-informazzjoni dwar apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi li m’għadhomx iċċertifikati.

2.   Il-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni mogħtija lilha, għandha tistabbilixxi, tippubblika u żżomm lista ta’ apparat ċertifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati.

3.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tiddefinixxi l-formati u l-proċeduri applikabbli għall-fini tal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 32

Rekwiżiti għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi kwalifikati

1.   Il-proċess għall-validazzjoni ta’ firma elettronika kwalifikata għandu jikkonferma l-validità ta’ firma elettronika kwalifikata dment li:

(a)

iċ-ċertifikat, li jappoġġa l-firma kien, fil-mument tal-firma ċertifikat kwalifikat għal firma elettronika li jikkonforma mal-Anness I;

(b)

iċ-ċertifikat kwalifikat inħareġ minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati u kien validu fil-mument tal-firma;

(c)

id-data ta’ validazzjoni tal-firma tikkorrispondi għad-data pprovduta lill-parti dipendenti;

(d)

is-sett uniku ta’ data li jirrappreżenta l-firmatarju fiċ-ċertifikat tingħata b’mod korrett lill-parti dipendenti;

(e)

l-użu ta’ kwalunkwe psewdonimu jkun indikat b’mod ċar lill-parti dipendenti jekk psewdonimu kien intuża fil-mument tal-firma;

(f)

il-firma elettronika nħolqot minn apparat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi kwalifikati;

(g)

l-integrità tad-data ffirmata ma tkunx ġiet kompromessa;

(h)

ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 26 kienu ġew sodisfatti fil-mument tal-firma;

2.   Is-sistema użata għall-validazzjoni tal-firma elettronika kwalifikata għandha tipprovdi lill-parti dipendenti r-riżultat korrett tal-proċess ta’ validazzjoni u għandha tippermetti lill-parti dipendenti li tiskopri kwalunkwe kwistjoni rilevanti għas-sigurtà.

3.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għall-validazzjoni ta’ firem elettroniċi kwalifikati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-validazzjoni tal-firem elettroniċi kwalifikati tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 33

Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.   Servizz ta’ validazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati jista’ jingħata biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li:

(a)

jipprovdi validazzjoni f’konformità mal-Artikolu 32(1), u

(b)

jippermetti li l-partijiet dipendenti jirċievu r-riżultat tal-proċess ta’ validazzjoni b’mod awtomatizzat li jkun affidabbli, effiċjenti u li jkun fih il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizz ta’ validazzjoni kwalifikat.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għas-servizz ta’ validazzjoni kwalifikat kif imsemmi fil-paragrafu 1. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta s-servizz ta’ validazzjoni għall-firma elettronika kwalifikata jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 34

Servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għall-firem elettroniċi kwalifikati

1.   Jista’ jiġi pprovdut servizz ta’ preservazzjoni għall-firem elettroniċi kwalifikati biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li juża proċeduri u teknoloġiji kapaċi li jestendu l-affidabilità tal-firem elettroniċi kwalifikati lil hinn mill-perijodu ta’ validità teknoloġika.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għas-servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-arranġamenti għas-servizz ta’ preservazzjoni kwalifikat għal firem elettroniċi kwalifikati jissodisfaw dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 5

Siġilli elettroniċi

Artikolu 35

Effetti legali ta’ siġilli elettroniċi

1.   Siġill elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti għas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

2.   Siġill elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal- integrità tad-data u l-korrettezza tal-oriġini ta’ dik id-data li magħha huwa marbut is-siġill elettroniku kwalifikat.

3.   Siġill elettroniku kwalifikat abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala siġill elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri l-oħra kollha.

Artikolu 36

Rekwiżiti għal firem elettroniċi avvanzati

Firma elettronika avvanzata għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

hija marbuta b’mod esklussiv mal-firmatarju;

(b)

tista’ tidentifika l-firmatarju;

(c)

tkun maħluqa bl-użu ta’ data għall-ħolqien ta’ firma elettronika li l-firmatarju jkun jista’ juża b’livell għoli ta’ fiduċja, taħt il-kontroll esklussiv tiegħu; u

(d)

tkun marbuta mad-data ffirmata biha b’tali mod li kwalunkwe bidla sussegwenti fid-data tkun tista’ tiġi skoperta.

Artikolu 37

Siġilli elettroniċi f’servizzi pubbliċi

1.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati, is-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat għal siġilli elettroniċi u siġilli elettroniċi kwalifikati tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

2.   Jekk Stat Membru jesiġi siġill elettroniku avvanzat abbażi ta’ ċertifikati kwalifikat sabiex juża servizz online offrut minn, jew f’isem, korp tas-settur pubbliku, dak l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi s-siġilli elettroniċi avvanzati abbażi ta’ ċertifikat kwalifikat u siġill elettroniku kwalifikat tal-inqas fil-formati jew billi juża l-metodi definiti fl-atti ta’ implementazzjoni msemmija fil-paragrafu 5.

3.   L-Istati Membri ma għandhomx jesiġu l-użu transkonfinali, f’servizz online offrut minn korp tas-settur pubbliku, ta’ siġill elettroniku f’livell ogħla ta’ sigurtà mis-siġill elettroniku kwalifikat.

4.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal siġilli elettroniċi avvanzati. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti għal siġilli elettroniċi avvanzati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 36 meta siġill elettroniku avvanzat jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

5.   Sat-18 ta’ Settembru 2015, u filwaqt li tikkunsidra l-prattiki, l-istandards u atti legali tal-Unjoni eżistenti, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddefinixxi l-formati ta’ referenza ta’ siġilli elettroniċi avvanzati jew metodi ta’ referenza fejn jintużaw formati alternattivi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 38

Ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

2.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda rekwiżit obbligatorju li jeċċedi r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

3.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi jistgħu jinkludu attributi speċifiċi addizzjonali mhux obbligatorji. Dawk l-attributi ma għandhomx jaffettwaw l-interoperabbiltà u r-rikonoxximent tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

4.   Jekk ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jkun ġie revokat wara l-attivazzjoni inizjali, dan għandu jitlef il-validità tiegħu mill-mument tar-revoka tiegħu, u l-istatus tiegħu fl-ebda ċirkostanza ma għandu jitreġġa’ lura.

5.   Soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin l-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli nazzjonali dwar is-sospensjoni temporanja ta’ ċertifikat kwalifikat għas-siġilli elettroniċi:

(a)

jekk ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku jkun ġie sospiż temporanjament, dak iċ-ċertifikat għandu jitlef il-validità tiegħu għall-perijodu ta’ sospensjoni;

(b)

il-perijodu ta’ sospensjoni għandu jiġi indikat b’mod ċar fil-bażi tad-data taċ-ċertifikati u l-istatus ta’ sospensjoni għandu jkun viżibbli, matul il-perijodu ta’ sospensjoni, mis-servizz li jipprovdi l-informazzjoni dwar l-istatus taċ-ċertifikat.

6.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal ċertifikati kwalifikati għal siġilli elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III meta ċertifikat kwalifikat għal siġill elettroniku jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

Artikolu 39

Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi

1.   L-Artikolu 29 għandu japplika mutatis mutandis għar-rekwiżiti għal apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.

2.   L-Artikolu 30 għandu japplika mutatis mutandis għaċ-ċertifikazzjoni ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.

3.   L-Artikolu 31 għandu japplika mutatis mutandis għall-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi.

Artikolu 40

Validazzjoni u preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati

L-Artikoli 32, 33 u 34 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-validazzjoni u l-preservazzjoni tas-siġilli elettroniċi kwalifikati.

TAQSIMA 6

Timbri tal-ħin elettroniċi

Artikolu 41

Effett legali tat-timbri tal-ħin elettroniċi

1.   Timbru tal-ħin elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika jew li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tat-timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

2.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jgawdi l-preżunzjoni tal-eżattezza tad-data u l-ħin li jindika u l-integrità tad-data li magħha huma marbuta d-data u l-ħin

3.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat maħruġ f’wieħed mill-Istati Membri għandu jiġi rikonoxxut bħala timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat fl-Istati Membri kollha.

Artikolu 42

Rekwiżiti għal timbri tal-ħin elettroniċi kwalifikati

1.   Timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat għandu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikun jorbot id-data u l-ħin mad-data b’tali mod li jipprekludi b’mod raġonevoli l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(b)

ikun ibbażat fuq sors ta’ ħin preċiż marbut mal-Ħin Universali Kkoordinat; u

(c)

ikun iffirmat bl-użu ta’ firma elettronika avvanzata jew issiġillati b’siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat, jew minn metodu ekwivalenti.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għall-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u għas-sorsi ta’ ħin preċiż. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-konnessjoni tad-data u l-ħin mad-data u s-sors tal-ħin preċiż tissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 7

Servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati

Artikolu 43

Effett legali ta’ servizz elettroniku ta’ konsenja li huwa reġistrat

1.   Data li tiġi trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku reġistrat ta’ konsenja ma għandhiex tiġi miċħuda l-effett legali u ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali għas-sempliċi raġuni li tkun f’forma elettronika jew li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tas-servizz elettroniku ta’ konsenja rreġistrat.

2.   Data trasmessa u riċevuta bl-użu ta’ servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja li huwa reġistrat għandha tgawdi l-preżunzjoni tal-integrità tad-data, tat-trażmissjoni ta’ dik id-data mill-emittent identifikat, tar-riċeviment tagħha mid-destinatarju identifikat u tal-eżattezza tad-data u tal-ħin tat-trasmissjoni u tar-riċeviment indikati mis-servizz elettroniku kwalifikat ta’ konsenja rreġistrat.

Artikolu 44

Rekwiżiti għal servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja li huma reġistrati

1.   Is-servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja li huma reġistrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jingħataw minn wieħed mill-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati jew aktar;

(b)

jiżguraw livell għoli ta’ fiduċja l-identifikazzjoni tal-emittent;

(c)

jiżguraw l-identifikazzjoni tad-destinatarju qabel ma jikkonsenjaw id-data;

(d)

it-trasmissjoni u r-riċevuta tad-data isiru b’mod sikur b’firma elettronika avvanzata jew b’siġill elettroniku avvanzat ta’ fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat b’tali mod li jipprekludi l-possibbiltà li d-data tinbidel mingħajr ma dan jiġi skopert;

(e)

kwalunkwe bidla fid-data meħtieġa għall-fini tat-trasmissjoni jew ir-riċevuta tad-data hija indikata b’mod ċar lill-emittent u lid-destinatarju tad-data;

(f)

id-data u l-ħin tat-trasmissjoni, ir-riċevuta u kwalunkwe bidla tad-data huma indikati b’timbru tal-ħin elettroniku kwalifikat.

Fil-każ li d-data tiġi trasferita bejn żewġ fornituri kwalifikati ta’ servizzi fiduċjarji jew aktar, ir-rekwiżiti fil-punti (a) sa (f) għandhom japplikaw għall-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati kollha.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal proċessi ta’ trasmissjoni u riċevuta ta’ data. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 meta l-proċess għat-trasmissjoni u r-riċevuta tad-data jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

TAQSIMA 8

Awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku

Artikolu 45

Rekwiżiti għaċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi

1.   Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV.

2.   Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tistabbilixxi numri ta’ referenza ta’ standards għal ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi. Għandu jitqies li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness IV meta ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ sit elettroniku jkun jissodisfa dawk l-istandards. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 48(2).

KAPITOLU IV

DOKUMENTI ELETTRONIĊI

Artikolu 46

Effetti legali ta’ dokumenti elettroniċi

Dokument elettroniku ma għandux jiġi miċħud effett legali u ammissibilità bħala evidenza fi proċeduri legali għas-sempliċi raġuni li jkun f’forma elettronika.

KAPITOLU V

DELEGA TA’ SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET TA’ IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 47

Eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 30(4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu indeterminat li jibda mis-17 ta’ Settembru 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 30(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat f’konformità mal-Artikolu 30(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Il-perijodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 48

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 49

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar mill-1 ta’ Lulju 2020. Il-Kummissjoni għandha tevalwa b’mod partikolari jekk huwiex opportun li timmodifika l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew id-dispożizzjonijiet speċifiċi tiegħu, inklużi l-Artikolu 6, il-punt (f) tal-Artikolu 7 u l-Artikoli 34, 43, 44 u 45, filwaqt li tikkunsidra l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u dawk legali.

Ir-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu għandu jkun akkumpanjat, fejn adatt, minn proposti leġislattivi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill kull erba’ snin wara r-rapport imsemmi fl-ewwel paragrafu dwar il-progress lejn il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 50

Tħassir

1.   Id-Direttiva 1999/93/KE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2016.

2.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 51

Miżuri transitorji

1.   Apparat sigur għall-ħolqien ta’ firem li l-konformità tiegħu tkun ġiet determinata f’konformità mal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/93/KE għandu jitqies bħala apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi skont dan ir-Regolament.

2.   Ċertifikati kwalifikati maħruġa lil persuni fiżiċi skont id-Direttiva 1999/93/KE għandhom jitqiesu bħala ċertifikati kwalifikati għal firem elettroniċi skont dan ir-Regolament sakemm jiskadu.

3.   Fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikati kwalifikati skont id-Direttiva 1999/93/KE għandu jippreżenta rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2017. Sal-preżentazzjoni ta’ tali rapport dwar il- valutazzjoni tal-konformità u t-tlestija tal-valutazzjoni tiegħu mill-korp superviżorju, dak il-fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni għandu jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat skont dan ir-Regolament.

4.   Jekk fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikati kwalifikati skont id-Direttiva 1999/93/KE ma jippreżentax rapport dwar il-valutazzjoni tal-konformità lill-korp superviżorju sal-iskadenza msemmija fil-paragrafu 3, dak il-fornitur ta’ servizz ta’ ċertifikazzjoni ma għandux jitqies bħala fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat skont dan ir-Regolament mit-2 ta’ Lulju 2017.

Artikolu 52

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2016, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli li ġejjin:

(a)

l-Artikoli 8(3), 9(5), 12(2) sa (9), 17(8), 19(4), 20(4), 21(4), 22(5), 23(3), 24(5), 27(4) u (5), 28(6), 29(2), 30(3) u (4), 31(3), 32(3), 33(2), 34(2), 37(4) u (5), 38(6), 42(2), 44(2), 45(2) u l-Artikoli 47 u 48 għandhom japplikaw mis-17 ta’ Settembru 2014;

(b)

l-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1) u (2), l-Artikoli 9, 10, 11 u l-Artikolu 12(1), għandhom japplikaw mid-data tal-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8);

(c)

l-Artikolu 6 għandu japplika wara tliet snin mid-data tal-applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8).

3.   Meta l-iskema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata tkun inkluża fil-lista ppubblikata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 qabel id-data msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ir-rikonoxximent tal-identifikazzjoni elettronika taħt dik l-iskema f’konformità mal-Artikolu 6 għandu jsir mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-pubblikazzjoni ta’ dik l-iskema iżda mhux qabel id-data msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Minkejja l-punt (c) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li l-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata f’konformità mal-Artikolu 9(1) minn Stat Membru ieħor jiġu rikonoxxuti fl-ewwel Stat Membru mid-data ta’ applikazzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikoli 8(3) u 12(8). L-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni pubblika.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 73.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ April 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(3)  Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar kwadru tal-Komunità għall-firem elettroniċi (ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12).

(4)  ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.

(5)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(6)  Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 45).

(7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament(KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(10)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/767/KE tas-16 ta’ Ottubru 2009, li tistipula miżuri li jiffaċilitaw l-użu ta’ proċeduri b’mezzi elettroniċi permezz tal-punti ta’ kuntatt waħdieni skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 274, 20.10.2009, p. 36).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/130/UE tal-25 ta’ Frar 2011 li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-ipproċessar transkonfinali ta’ dokumenti ffirmati elettronikament minn awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 53, 26.2.2011, p. 66).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(14)  ĠU C 28, 30.1.2013, p. 6.

(15)  Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u-tal Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist u pubbliku tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (GU L 94, 28.3.2014, p. 65).


ANNESS I

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦALL-FIREM ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-firem elettroniċi għandu jkun fihom:

(a)

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għall-firma elettronika;

(b)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,

għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

(c)

tal-anqas l-isem tal-firmatarju, jew psewdonimu; Jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

(d)

data ta’ validazzjoni tal-firma elettronika li tikkorrispondi mad-data tal-ħolqien ta’ firma elettronika;

(e)

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(f)

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifikat, li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(g)

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(h)

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i)

il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex wieħed jindaga dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;

(j)

meta d-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi relatata mad-data ta’ validazzjoni tal-firem elettroniċi tkun tinsab f’apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi, indikazzjoni adatta ta’ dan, tal-inqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.


ANNESS II

REKWIŻITI GĦAL APPARAT KWALIFIKAT GĦALL-ĦOLQIEN TA’ FIREM ELETTRONIĊI

1.

Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi għandu jiżgura, b’mezzi tekniċi u proċedurali adatti, li tal-anqas:

(a)

tkun żgurata raġonevolment il-kunfidenzjalità tad-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi;

(b)

id-data tal-ħolqien ta’ firem użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi tkun tista’ sseħħ prattikament darba biss;

(c)

id-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi ma tistax, bi żgurar raġonevoli, tinkiseb u l-firma elettronika tkun protetta b’mod affidabbli kontra l-falsifikazzjoni bl-użu ta’ teknoloġija disponibbli attwalment;

(d)

id-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi użata għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi tista’ tkun protetta b’mod affidabbli mill-firmatarju leġittimu kontra l-użu minn persuni oħrajn.

2.

Apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ firem elettroniċi ma għandux ibiddel id-data li għandha tiġi ffirmata jew jipprevjeni data bħal din milli tiġi ppreżentata lill-firmatarju qabel il-proċess tal-firma.

3.

Il-ġenerazzjoni jew il-ġestjoni tad-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi f’isem il-firmatarju tista’ ssir biss minn fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat.

4.

Mingħajr preġudizzju għall-punt (d) tal-paragrafu 1, il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikati li jiġġestixxu data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi f’isem il-firmatarju jistgħu jidduplikaw id-data tal-ħolqien ta’ firem elettroniċi għal skopijiet ta’ riżerva biss dment li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

is-sigurtà tas-settijiet tad-data duplikati għandha tkun tal-istess livell bħal dik għas-settijiet tad-data oriġinali;

(b)

in-numru ta’ settijiet tad-data duplikati ma għandux jaqbeż il-minimu meħtieġ biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz.


ANNESS III

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦAS-SIĠILLI ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għas-siġilli elettroniċi għandu jkun fihom:

(a)

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għas-siġill elettroniku;

(b)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,

għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

(c)

tal-anqas l-isem tal-kreatur tas-siġill u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali;

(d)

data ta’ validazzjoni tas-siġill elettroniku, li tkun tikkorrispondi mad-data tal-ħolqien ta’ siġill elettroniku;

(e)

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(f)

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifika,t li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(g)

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(h)

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (g) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(i)

il-post tas-servizzi li jistgħu jintużaw biex wieħed jindaga dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat;

(j)

meta d-data tal-ħolqien ta’ siġill elettroniku relatata mad-data ta’ validazzjoni tas-siġill elettroniku tkun tinsab f’apparat kwalifikat għall-ħolqien ta’ siġilli elettroniċi, indikazzjoni adatta ta’ dan, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat.


ANNESS IV

REKWIŻITI GĦAĊ-ĊERTIFIKATI KWALIFIKATI GĦALL-AWTENTIKAZZJONI TA’ SITI ELETTRONIĊI

Iċ-ċertifikati kwalifikati għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi għandu jkun fihom:

(a)

indikazzjoni, tal-anqas f’forma adegwata għall-ipproċessar awtomatizzat, li ċ-ċertifikat ikun inħareġ bħala ċertifikat kwalifikat għall-awtentikazzjoni ta’ siti elettroniċi;

(b)

sett ta’ data li jirrappreżenta mingħajr ambigwità l-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li joħroġ ċertifikati kwalifikati inkluż tal-anqas, l-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit u

għal persuna ġuridika: l-isem u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali,

għal persuna fiżika: l-isem tal-persuna;

(c)

għal persuni fiżiċi: tal-inqas l-isem tal-persuna li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat, jew psewdonimu. Jekk jintuża psewdonimu, dan għandu jiġi indikat b’mod ċar;

għal persuni ġuridiċi: tal-inqas l-isem tal-persuna ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u, fejn applikabbli, in-numru ta’ reġistrazzjoni kif jidhru fir-rekords uffiċjali;

(d)

elementi tal-indirizz, inkluż tal-inqas il-belt u l-Istat, tal-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat u, fejn applikabbli, kif jidhru fir-rekords uffiċjali;

(e)

l-isem/ismijiet tad-dominju mħaddma mill-persuna fiżika jew ġuridika li lilha jkun inħareġ iċ-ċertifikat;

(f)

dettalji tal-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ validità taċ-ċertifikat;

(g)

il-kodiċi tal-identità taċ-ċertifikat, li għandu jkun uniku għall-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat;

(h)

il-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat tal-fornitur ta’ servizzi fiduċjarji kwalifikat li qed joħorġu;

(i)

il-post fejn iċ-ċertifikat li jappoġġa l-firma elettronika avvanzata jew is-siġill elettroniku avvanzat imsemmi fil-punt (h) ikun disponibbli mingħajr ħlas;

(j)

il-post tas-servizzi dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat li jistgħu jintużaw biex wieħed jindaga dwar l-istatus ta’ validità taċ-ċertifikat kwalifikat.


28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/115


REGOLAMENT (UE) Nru 911/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) stabbilixxa Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (“l-Aġenzija”) sabiex ikun żgurat livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima u ta’ prevenzjoni ta’ tniġġis mill-vapuri.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li emenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, assenja lill-Aġenzija kompiti ġodda fl-oqsma tal-prevenzjoni u tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri, wara l-aċċidenti li seħħu f’ilmijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk tat-tankers taż-żejt “Erika” u “Prestige”.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002, assenja lill-Aġenzija kompiti fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u estenda s-servizzi tal-Aġenzija għall-Istati li japplikaw għall-adeżjoni mal-Unjoni u għall-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) stabbilixxa finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti li skada fil-31 ta’ Diċembru 2013.

(5)

Minħabba l-impatt ekoloġiku potenzjalment devastanti u l-ispejjeż ekonomiċi kbar ħafna tal-inċidenti ta’ tniġġis, kif ukoll il-possibbiltà ta’ impatt soċjoekonomiku ta’ dawn l-inċidenti fuq setturi oħrajn, bħat-turiżmu u s-sajd, l-Aġenzija għandu jkollha l-mezzi suffiċjenti biex tkun tista’ twettaq il-kompiti assenjati lilha fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Dawk il-kompiti huma importanti fil-prevenzjoni ta’ iktar ħsara kemm ta’ natura monetarja kif ukoll dik mhux monetarja.

(6)

Għall-finijiet li jiġu implimentati l-kompiti ta’ prevenzjoni u ta’ reazzjoni għat-tniġġis mill-vapuri, fit-22 ta’ Ottubru 2004 l-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija adotta Pjan ta’ Azzjoni għal stat ta’ tħejjija u reazzjoni għat-tniġġis miż-żejt, li jiddetermina l-attivitajiet tal-Aġenzija b’reazzjoni għat-tniġġis miż-żejt u li huwa maħsub għallaqwa użu tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-Aġenzija. Fit-12 ta’ Ġunju 2007, il-Bord Amministrattiv adotta Pjan ta’ Azzjoni għal Stat ta’ Tħejjija u Reazzjoni għat-Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Ta’ Ħsara. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, iż-żewġ Pjanijiet ta’ Azzjoni jiġu aġġornati kull sena permezz ta’ programm ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija.

(7)

Għandhom jitqiesu l-ftehimiet eżistenti dwar it-tniġġis aċċidentali, li jiffaċilitaw l-assistenza reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam, kif ukoll il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali rilevanti għall-ħarsien ta’ żoni marittimi Ewropej minn inċidenti ta’ tniġġis li jirrikjedu li l-partijiet jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex iħejju u jwieġbu għal inċident ta’ tniġġis biż-żejt.

(8)

L-azzjoni ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija, kif speċifikata fil-pjanijiet ta’ azzjoni, hija marbuta ma’ attivitajiet fl-oqsma tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ tniġġis tal-baħar ikkawżat minn sustanzi perikolużi u ta’ ħsara. Fuq kollox, dik l-azzjoni ta’ reazzjoni hija marbuta mal-għoti ta’ assistenza operazzjonali lill-Istati Membri milquta jew pajjiżi terzi li għandhom baċin tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni (‘Stati affettwati’) permezz tal-għoti, fuq talba, ta’ bastimenti addizzjonali kontra t-tniġġis biex jiġi miġġieled it-tniġġis biż-żejt ikkawżat mill-bastimenti kif ukoll it-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. L-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk iż-żoni identifikati bħala l-iktar vulnerabbli mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

(9)

L-attivitajiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġisgħandhom jikkonformaw mal-arranġamenti eżistenti ta’ kooperazzjoni billi jipprovdu għal assistenza reċiproka f’każ ta’ inċident ta’ tniġġis marittimu. L-Unjoni ngħaqdet ma’ organizzazzjonijiet reġjonali varji u qed tħejji għall-adeżjoni ma’ organizzazzjonijiet reġjonali oħra.

(10)

L-azzjoni tal-Aġenzija għandha tiġi kkoordinata mal-attivitajiet taħt il-ftehimiet bilaterali u reġjonali li għalihom l-Unjoni tkun Parti. Fil-każ ta’ inċident ta’ tniġġis marittimu, l-Aġenzija għandha tassisti lill-Istat affettwat li taħt l-awtorità tiegħu jitmexxew l-operazzjonijiet ta’ tindif.

(11)

L-Aġenzija għandu jkollha rwol attiv fiż-żamma u iktar żvilupp tas-Servizz Ewropew ta’ Monitoraġġ taż-Żejt bis-Satellita (CleanSeaNet) għas-sorveljanza, l-individwazzjoni bikrija tat-tniġġis u l-identifikazzjoni tal-vapuri jew tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass responsabbli, pereżempju fil-każ ta’ rimi ta’ żejt minn vapuri u rilaxxi operazzjonali u tixrid aċċidentali minn pjattaformi lil hinn mix-xtut. Dak is-servizz għandu jtejjeb id-disponibbiltà tad-data u l-effikaċja u t-tempestività tar-reazzjoni għat-tniġġis.

(12)

Il-mezzi addizzjonali li għandhom jiġu pprovduti mill-Aġenzija lill-Istati affettwati għandhom ikunu disponibbli permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(13)

L-informazzjoni relattiva għall-mekkaniżmi ta’ reazzjoni għat-tniġġis pubbliċi u privati u għall-kapaċitajiet ta’ reazzjonijiet assoċjati fir-reġjuni varji tal-Unjoni għandha tkun disponibbli mill-Istati Membri permezz tas-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni dwar l-Emerġenzi (CECIS) stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom (8), meta disponibbli għal dak il-għan.

(14)

Sabiex l-assistenza operazzjonali tal-Aġenzija ssir iktar effiċjenti fid-dawl tal-estenzjoni tal-mandat ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija għal pajjiżi terzi li għandhom baċin tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni, l-Aġenzija għandha tagħmel kull sforz biex tħeġġeġ lil dawk il-pajjiżi terzi jikkondividu informazzjoni u jikkooperaw fiż-żamma mill-Aġenzija ta’ lista ta’ mekkaniżmi ta’ reazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati.

(15)

Sabiex titjieb l-effikaċja tal-attivitajiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis tal-Aġenzija, l-Istati Membri għandhom jaqsmu mal-Aġenzija l-istudji xjentifiċi li jkunu wettqu dwar l-effetti tas-sustanzi kimiċi użati bħala aġenti dispersivi li jistgħu jkunu rilevanti għal dawk l-attivitajiet.

(16)

Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni tagħha, l-Aġenzija għandha tiġi pprovduta b’sistema vijabbli u kosteffiċjenti għall-finanzjament, b’mod partikolari, bl-għoti ta’ assistenza operazzjonali lill-Istati affettwati.

(17)

Għalhekk għandha tiġi pprovduta sigurtà finanzjarja għall-finanzjament tal-kompiti fdati lill-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis u ta’ azzjonijiet oħra assoċjati imsejjsa fuq impenn pluriennali. Id-daqs ta’ dak l-impenn pluriennali għandu jirrifletti l-espansjoni tal-ambitu tal-Aġenzija fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis, u wkoll il-ħtieġa li l-Aġenzija żżid l-effiċjenza fl-użu tal-fondi allokati lilha, f’kuntest ta’ limitazzjonijiet baġitarji. L-ammonti annwali tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandhom jiġu ddeterminati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura baġitarja annwali. Hu ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-kapaċità tal-Aġenzija li twettaq dmirijietha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass b’mod effikaċi u kosteffiċjenti.

(18)

L-ammonti li għandhom jiġu impenjati għall-finanzjament għar-reazzjoni kontra t-tniġġis għandhom ikopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont il-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (9) (‘il-qafas finanzjarju multiannwali’). Għalhekk għandu jiġi pprovdut pakkett finanzjarju li jkopri l-istess perjodu.

(19)

L-appoġġ tal-Aġenzija għall-Istati li japplikaw għall-adeżjoni mal-Unjoni u għall-pajjiżi sħab tal-Viċinat Ewropew għandu jiġi ffinanzjat permezz ta’ programmi eżistenti tal-Unjoni għal dawk l-Istati u pajjiżi u għalhekk ma għandux jagħmel parti mill-finanzjament pluriennali tal-Aġenzija.

(20)

Sabiex ikun hemm allokazzjoni ideali tal-impenji u titqies kwalunkwe bidla li jkollha x’taqsam ma’ attivitajiet b’reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri, jeħtieġ li jiġi żgurat monitoraġġ kontinwu tal-bżonnijiet partikolari għal azzjoni sabiex ikun hemm lok għal addattament tal-impenji finanzjarji annwali.

(21)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002, l-Aġenzija għandha tirrapporta dwar l-eżekuzzjoni finanzjarja tal-finanzjament pluriennali tal-Aġenzija fir-rapport annwali tagħha.

(22)

Huwa xieraq li tiġi żgurata l-kontinwità fl-għajnuna finanzjarja mogħtija permezz tal-azzjoni tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejd u tal-gass, u li l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jiġi allinjat ma’ dak tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti dettaljati għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (‘l-Aġenzija’) għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lilha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass, skont l-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002.

2.   L-attivitajiet tal-Aġenzija fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis m’għandhomx jeżoneraw lill-Istati tax-xtut mir-responsabbilitajiet li jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi xierqa ta’ reazzjoni għat-tniġġis.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żejt” tfisser żejt mhux maħdum fi kwalunkwe forma, inkluż żejt mhux raffinat, żejt kombustibbli, ħama, skart ta’ żejt u prodotti raffinati kif stabbilit mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-istat ta’ Tħejjija, Reazzjoni u Kooperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990, tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI);

(b)

“sustanzi perikolużi u ta’ ħsara” tfisser kwalunkwe sustanza minbarra ż-żejt li, jekk jiddaħħlu fl-ambjent tal-baħar, li x’aktarx joħolqu perikli għas-saħħa tal-bniedem, jagħmlu ħsara lir-riżorsi ħajjin u lill-ħajja tal-baħar, jagħmlu ħsara lil faċilitajiet jew tinterferixxi ma’ użi leġittimi oħra tal-baħar, kif stabbilit mill-Protokoll dwar l-istat ta’ Tħejjija, Reazzjoni u Kooperazzjoni għal Inċidenti ta’ Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Ta’ Ħsara, 2000, tal-OMI;

(c)

“installazzjoni taż-żejt u l-gass” tfisser faċilità stazzjonarja fissa jew mobbli, jew kumbinazzjoni ta’ faċilitajiet, interkonnessi b’mod permanenti permezz ta’ pontijiet jew strutturi oħra, użati għall-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mix-xtut jew b’konnessjoni ma’ dawk l-operazzjonijiet; ‘installazzjoni taż-żejt u gass’ tinkludi unitajiet tat-tħaffir mobbli lil hinn mix-xtut biss jekk ikunu stazzjonati f’ilmijiet lil hinn mix-xtut għat-tħaffir, il-produzzjoni jew attivitajiet oħra assoċjati ma’ operazzjonijiet taż-żejt jew tal-gass lil hinn mix-xtut, kif ukoll infrastruttura u faċilitajiet użati biex iż-żejt u l-gass jinġiebu l-art jew lejn terminals fuq l-art.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi allokata lill-Aġenzija bl-għan li tiffinanzja l-azzjonijiet fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass kif imsemmija fil-pjan iddettaljat stabbilit skont il-punt (k) tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, b’mod partikolari dawk relatati ma’:

(a)

assistenza operazzjonali u appoġġ b’mezzi addizzjonali, bħal vapuri kontra t-tniġġis lesti biex jintużaw, xbiehat bis-satellita u tagħmir tas-satellita, ta’ azzjonijiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis, fuq talba tal-Istati milquta, skont il-punt (d) tal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 fil-każ ta’ tniġġis tal-baħar aċċidentali jew intenzjonali kkawżat minn vapuri jew installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass;

(b)

kooperazzjoni u koordinazzjoni u l-forniment lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni ta’ assistenza teknika u xjentifika fil-qafas tal-attivitajiet rilevanti tal-Mekkaniżmu tal-Uunjoni tal-Protezzjoni Ċivili, tal-OMI u tal-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti;

(c)

informazzjoni, b’mod partikolari l-ġbir, l-analiżi u t-tixrid tal-aqwa prattiki, tal-għarfien espert, tat-tekniki u l-innovazzjonijiet fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

Artikolu 4

Finanzjament tal-Unjoni

1.   Fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali, l-Aġenzija għandha tingħata l-approprjazzjonijiet meħtieġa biex taqdi dmirijietha fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass b’mod effettiv u kosteffiċjenti.

2.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun ta’ EUR 160 500 000 espress fi prezzijiet attwali.

3.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu ddeterminati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ggarantit il-finanzjament meħtieġ tal-assistenza operazzjonali lill-Istati Membri skont il-punt (a) tal-Artikolu 3.

Artikolu 5

Monitoraġġ ta’ kapaċitajiet eżistenti

1.   Sabiex jiġu ddefiniti r-rekwiżiti għal, u tiżdied l-effiċjenza ta’, l-għoti ta’ assistenza operazzjonali mill-Aġenzija, pereżempju fil-forma ta’ bastimenti kontra t-tniġġis minbarra l-kapaċitajiet tal-Istati Membri, l-Aġenzija għandha żżomm lista tal-mekkaniżmi pubbliċi u, fejn disponibbli, dawk privati ta’ reazzjoni għat-tniġġis u kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati fir-reġjuni varji tal-Unjoni.

2.   L-Aġenzija għandha żżomm dik il-lista abbażi tal-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri. Fiż-żamma ta’ dik il-lista, l-Aġenzija għandu jkollha l-għan li tikseb informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ reazzjoni għat-tniġġis u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni assoċjati minn pajjiżi terzi li għandhom baċir tal-baħar reġjonali komuni mal-Unjoni.

3.   Il-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija għandu jqis dik il-lista u informazzjoni xierqa oħra rilevanti għall-objettivi tar-reazzjoni għat-tniġġis stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1406/2002, bħal dik li tinsab fil-valutazzjonijiet tar-riskju u l-istudji xjentifiċi dwar l-effetti tas-sustanzi kimiċi użati bħala aġenti dispersivi, qabel ma jiddeċiedi dwar l-attivitajiet tal-Aġenzija ta’ reazzjoni għat-tniġġis fil-qafas tal-programmi ta’ ħidma annwali tal-Aġenzija. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija għandha tagħti attenzjoni partikolari lil dawk iż-żoni identifikati bħala l-iktar vulnerabbli, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe żona oħra fil-bżonn.

Artikolu 6

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw li, meta l-azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli u ispezzjonijiet effettivi u, fejn jinstabu xi irregolaritajiet, bl-irkupru ta’ kwalunkwe ammont imħallas mhux kif dovut u billi jimponu penali effettivi, proporzjonali u dissważivi, skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (10) u (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11), u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

2.   Għall-azzjonijiet tal-Unjoni ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ irregolarità msemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 għandu jfisser kwalunkwe ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni jew kwalunkwe ksur ta’ obbligu kuntrattwali li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea jew baġits fejn il-ġestjoni tkun f’idejn l-Unjoni, minħabba partita ta’ nfiq mhux ġustifikat.

3.   Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom, kull waħda fl-isfera tal-kompetenza rispettiva tagħha, jiżguraw li jinkiseb l-aqwa valur meta mqabbel mal-ammont minfuq fil-finanzjament ta’ azzjonijiet tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

1.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u quddiem il-Kunsill, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Aġenzija, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017. Dak ir-rapport, li għandu jiġi stabbilit mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord Amministrattiv tal-Aġenzija, għandu jistipula r-riżultati tal-użu tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 fir-rigward tal-impenji u n-nefqa li jkopru l-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2016.

2.   F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tippreżenta evalwazzjoni tal-kapaċità tal-Aġenzija biex taqdi dmirijietha b’mod effettiv u kosteffiċjenti. Għall-perjodu 2018-2020, abbażi tal-evalwazzjoni u l-eżami tal-ħtieġa li l-Aġenzija twettaq il-kompiti assenjati lilha, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tipproponi aġġustament xieraq, sa massimu ta’ 8 %, tal-pakkett finanzjarju pluriennali allokat lill-Aġenzija għall-implimentazzjoni tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 3. L-aġġustament possibbli għandu jibqa’ fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri baġitarji annwali jew għar-rieżami li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   Dak ir-rapport għandu jkun fih informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet soċjoekonomiċi, ekoloġiċi u finanzjarji, jekk disponibbli, tal-istat ta’ tħejjija għar-reazzjoni tal-Aġenzija fir-rigward tat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass.

4.   Barra minn hekk, abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummisjoni tista’, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex jitqies il-progress xjentifiku fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn vapuri u minn installazzjonijet taż-żejt u tal-gass, inkluż fir-rigward tat-tniġġis ikkawżat minn sustanzi perikolużi u ta’ ħsara, kif ukoll it-tibdil rilevanti għall-istrumenti, li jistabbilixxu organizzazzjonijiet reġjonali, li l-attivitajiet tagħhom ikunu koperti mill-attivitajiet tal-Aġenzija fir-rigward tar-reazzjoni għat-tniġġis u li għalihom tkun aċċediet l-Unjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 108.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(3)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 724/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 100/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 39, 9.2.2013, p. 30).

(6)  Regolament (KE) Nru 2038/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar finanzjament pluriennali għall-azzjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-rispons għal tniġġis ikkaġunat minn bastimenti (ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1).

(7)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 314, 1.12.2007, p. 9).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(12)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).


28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/121


REGOLAMENT (UE) Nru 912/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. Skont il-punt (e) tal-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni u tista’ tkun Parti għal ftehimiet internazzjonali li jkopru dispożizzjonijiet dwar investiment barrani dirett.

(2)

Il-ftehimiet li jipprovdu għal protezzjoni għall-investimenti jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat, li jippermetti li investitur minn pajjiż terz jagħmel talba kontra stat li fih ikun għamel investiment. Is-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat tista’ tirriżulta f’aġġudikazzjonijiet ta’ kumpens monetarju. Barra minn hekk, huwa inevitabbli li fi kwalunkwe każ bħal dan jiġġarrbu spejjeż sinifikanti għall-amministrazzjoni tal-arbitraġġ kif ukoll spejjeż relatati mad-difiża ta’ każ.

(3)

Ir-responsabbiltà internazzjonali għat-trattament soġġett għas-soluzzjoni tat-tilwim issegwi it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. Bħala konsegwenza, l-Unjoni ser tkun fil-prinċipju responsabbli għad-difiża ta’ kwalunkwe talba li tallega vjolazzjoni tar-regoli inklużi fi ftehim li jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk it-trattament ikkonċernat ingħatax mill-Unjoni nnifisha jew minn Stat Membru.

(4)

Il-ftehimiet tal-Unjoni għandhom jagħtu lill-investituri barranin l-istess livell għoli ta’ protezzjoni bħad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri lill-investituri li ġejjin mill-Unjoni, iżda mhux livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-ftehimiet tal-Unjoni għandhom jiżguraw li s-setgħat leġislattivi u d-dritt tal-Unjoni li tirregola jiġu rispettati u salvagwardjati.

(5)

Fejn l-Unjoni, bħala entità li għandha personalità ġuridika, ikollha responsabbiltà internazzjonali għat-trattament mogħti, tkun mistennija, bħala kwistjoni ta’ liġi internazzjonali, li tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni avversa u l-ispejjeż ta’ kwalunkwe tilwim. Madankollu, aġġudikazzjoni avversa tista’ tirriżulta potenzjalment jew mit-trattament mogħti mill-Unjoni nnifisha jew mit-trattament mogħti minn Stat Membru. Bħala konsegwenza ma jkunx ekwu jekk l-aġġudikazzjonijiet u l-ispejjeż tal-arbitraġġ ikollhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni meta t-trattament ikun ingħata minn Stat Membru, dment li t-trattament inkwistjoni ma jkunx mitlub mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li r-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, bejn l-Unjoni nnifisha u l-Istat Membru responsabbli għat-trattament mogħti abbażi tal-kriterji stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(6)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta’ investiment internazzjonali, il-Parlament Ewropew sejjaħ espliċitament għall-ħolqien tal-mekkaniżmu previst f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tistudja l-kwistjoni.

(7)

Ir-responsabbiltà finanzjarja għandha tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li nstab li huwa inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim. Għalhekk l-Unjoni nnifisha għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat huwa mogħti minn dak l-Istat Membru. Madankollu, meta Stat Membru jaġixxi b’mod mitlub mid-dritt tal-Unjoni, pereżempju meta jittrasponi direttiva adottata mill-Unjoni, l-Unjoni nnifisha għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat huwa meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-Regolament jeħtieġ li jipprovdi wkoll għall-possibbiltà ta’ każijiet individwali li jikkonċernaw kemm trattament mogħti minn Stat Membru kif ukoll trattament meħtieġ mid-dritt tal-Unjoniu għandha tkopri l-azzjonijiet kollha meħuda mill-Istati Membri u mill- Unjoni. F’tali każ, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jassumu r-responsabbiltà finanzjarja għat-trattament speċifiku mogħti minn kwalunkwe wieħed minnhom.

(8)

L-Unjoni dejjem għandha taġixxi bħala l-intimat fejn tilwima tikkonċerna esklużivament trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni, sabiex l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta mit-tilwima skont il-kriterji msemmija hawn fuq.

(9)

Fejn Stat Membru jkollu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta minn tilwima, ikun ekwu u xieraq li tali Stat Membru jaġixxi bħala intimat sabiex jiddefendi t-trattament li jkun ta lill-investitur. L-arranġamenti stipulati f’dan ir-Regolament għandhom l-għan li jiżguraw li l-baġit tal-Unjoni u r-riżorsi mhux finanzjarji tal-Unjoni ma jġorrux il-piż, anke b’mod temporanju, tal-ispejjeż tal-litigazzjoni jew kwalunkwe aġġudikazzjoni kontra l-Istat Membru konċernat.

(10)

L-Istati Membri jistgħu, madankollu, jippreferu li l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’dan it-tip ta’ tilwim, pereżempju għal raġunijiet ta’ għarfien espert tekniku. L-Istati Membri għandhom, għalhekk, ikollhom il-possibbiltà li jirrifjutaw li jaġixxu bħala l-konvenut, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja tagħhom.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-Unjoni jistgħu jiġu mħarsa b’mod adegwat, huwa essenzjali li, f’ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, l-Unjoni nnifisha taġixxi bħala l-intimat f’tilwim li jinvolvi trattament mogħti minn Stat Membru. Dawk iċ-ċirkostanzi huma limitati għall-każijiet fejn it-tilwim jinvolvi wkoll trattament mogħti mill-Unjoni, fejn jidher li t-trattament mogħti minn Stat Membru huwa mitlub mid-dritt tal-Unjoni u fejnikun qed jiġi kkontestat trattament simili f’talba relatata kontra l-Unjoni fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fejn ikun ġie stabbilit bord u t-talba tkun tirrigwarda l-istess materja legali speċifika u fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata argumentazzjoni konsistenti fil-każ tad-WTO.

(12)

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’każijiet li jinvolvu miżuri ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tmexxi d-difiża tagħha b’mod li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru konċernat.

(13)

Id-deċiżjonijiet dwar jekk l-Unjoni jew Stat Membru għandhomx jaġixxu bħala l-intimat għandhom jittieħdu fil-qafas stipulat f’dan ir-Regolament. Huwa xieraq li l-Kummissjoni tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-mod kif jiġi applikat dan il-qafas.

(14)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal ċerti arranġamenti prattiċi għat-tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ f’tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru. Dawk l-arranġamenti għandhom jimmiraw għall-aħjar ġestjoni possibbli tat-tilwim filwaqt li jiżguraw konformità mal- obbligu ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) u d-difiża u l-ħarsien tal-interessi tal-Istat Membru konċernat.

(15)

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat, dawn l-arranġamenti għandhom jipprovdu għal kooperazzjoni mill-qrib ħafna inkluża n-notifika immedjata ta’ kwalunkwe passi proċedurali sinifikanti, il-forniment ta’ dokumenti rilevanti, konsultazzjonijiet frekwenti u parteċipazzjoni fid-delegazzjoni għall-proċedimenti.

(16)

Fejn Stat Membru jaġixxi bħala l-intimat, huwa xieraq li, f’konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, huwa jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar l-iżviluppi fil-każ u b’mod partikolari jiżgura n-notifika f’waqtha ta’ kwalunkwe passi proċedurali sinifikanti, il-forniment ta’ dokumenti rilevanti, konsultazzjonijiet frekwenti u parteċipazzjoni fid-delegazzjoni għall-proċedimenti. Huwa xieraq ukoll li l-Kummissjoni tingħata l-opportunità adegwata biex tidentifika kwalunkwe punt ta’ liġi jew kwalunkwe element ieħor ta’ interess għall-Unjoni mqajjem mit-tilwim.

(17)

Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ, Stat Membru għandu jkun jista’ fi kwalunkwe żmien jaċċetta li jkun responsabbli finanzjarjament fil-każ li jrid jitħallas kumpens. F’dak il-każ, l-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jidħlu f’arranġamenti għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens. Tali aċċettazzjoni ma timplikax li l-Istat Membru jaċċetta li t-talba tat-tilwim hija raġunata. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tadotta deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat Membru jagħmel provvediment għal dawn l-ispejjeż. Fil-każ li t-tribunal jaġġudika l-ispejjeż lill-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż jiġi rimborżat immedjatament lill-Istat Membru konċernat.

(18)

F’ċerti każijiet, jista’ jkun xieraq li tintlaħaq soluzzjoni sabiex jiġi evitat arbitraġġ mhux meħtieġ u li jqum ħafna flus. Huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura biex jintlaħqu soluzzjonijiet bħal dawn. Din il-proċedura għandha tippermetti lill-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-proċedura ta’ eżami, li ssolvi każ li jinvolvi r-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, fejn dan ikun fl-interessi tal-Unjoni. Fejn il-każ jikkonċerna wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, ikun xieraq li l-Unjoni tkun tista’ ssolvi tilwim biss jekk is-soluzzjoni ma jkollhiex implikazzjonijiet finanzjarji jew baġitarji għall-Istat Membru konċernat. F’dak il-każ, ikun xieraq li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru għandu jibqa’ liberu li jsolvi l-każ fi kwalunkwe ħin, dment li jaċċetta responsabbiltà finanzjarja sħiħa u li kwalunkwe soluzzjoni bħal din tkun konsistenti mad-dritt tal-Unjoni.

(19)

Fejn issir aġġudikazzjoni kontra l-Unjoni, dik l-aġġudikazzjoni għandha titħallas mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti għall-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet bħal dawn, dment li Stat Membru ma jkunx diġà aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja.

(20)

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mill-qrib mal-Istat Membru konċernat sabiex jintlaħaq ftehim dwar it-tqassim tar-responsabbiltà finanzjarja. Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li Stat Membru huwa responsabbli, u l-Istat Membru ma jaċċettax dik id-determinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħallas il-kumpens, iżda għandha tindirizza wkoll deċiżjoni lill-Istat Membru fejn titolbu jipprovdi l-ammonti kkonċernati lill-baġit tal-Unjoni, flimkien mal-imgħax applikabbli. L-imgħax pagabbli għandu jkun dak stipulat skont l-Artikolu 78(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). L-Artikolu 263 tat-TFUE huwa disponibbli fil-każijiet fejn Stat Membru jqis li d-deċiżjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(21)

Il-baġit tal-Unjoni għandu jipprovdi kopertura tal-infiq li jirriżulta minn ftehimiet li jkopru dispożizzjonijiet dwar investiment dirett barrani li għalih l-Unjoni tkun Parti u li jipprovdu għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat. Fejn l-Istati Membri jkollhom responsabbiltà finanzjarja skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li jew takkumula l-kontribuzzjonijiet tal-Istat Membru konċernat l-ewwel qabel l-implimentazzjoni tan-nefqa rilevanti jew timplimenta n-nefqa rilevanti l-ewwel u tiġi rimborżata mill-Istati Membri konċernati wara. L-użu ta’ dawn iż-żewġ mekkaniżmi ta’ trattament baġitarju għandu jkun possibbli, jiddependi minn xi jkun fattibbli, b’mod partikolari f’termini ta’ żmien. Għaż-żewġ mekkaniżmi, il-kontribuzzjonijiet jew ir-rimborżi mħallsa mill-Istat Membru konċernat għandhom ikunu ttrattati bħala dħul intern assenjat tal-baġit tal-Unjoni. L-approprjazzjonijiet li jirriżultaw mid-dħul intern assenjat mhux biss għandhom ikopru n-nefqa rilevanti iżda għandhom ikunu wkoll eliġibbli għar-rikostituzzjoni ta’ partijiet oħra tal-baġit tal-Unjoni li kienu pprovdew l-approprjazzjonijiet inizjali biex tiġi implimentata n-nefqa rilevanti skont it-tieni mekkaniżmu.

(22)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni.

(23)

Is-setgħat ta’ implimentazzjoni relatati mal-Artikolu 9(2) u (3), l-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(8), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(3) għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(24)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jipprovdu sabiex l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 9(2), minħabba li huwa neċessarju li l-Unjoni tieħu f’idejha d-difiża f’każijiet bħal dawn, iżda dan xorta għandu jkun soġġett għall-kontroll mill-Istati Membri. Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar is-soluzzjoni ta’ tilwim skont l-Artikolu 15(3) minħabba li dawk id-deċiżjonijiet ser jkollhom l-aktar impatt temporanju biss fuq il-baġit tal-Unjoni, għaliex l-Istat Membru konċernat ser ikun meħtieġ jieħu kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-tilwim, u minħabba l-kriterji dettaljati stipulati f’ dan ir-Regolament għall-aċċettabbiltà ta’ soluzzjonijiet bħal dawn,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-TFUE, dan ir-Regolament japplika għal soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat imwettqa skont ftehim li għalih l-Unjoni tkun Parti, jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet, u mibdija minn rikorrent ta’ pajjiż terz. B’mod partikolari, l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jaffettwaw id-delimitazzjoni tal-kompetenzi stabbiliti bit-Trattati, anke fir-rigward tat-trattament mill-Istati Membri jew mill-Unjoni u kkontestat minn rikorrent f’soluzzjoni tat-tilwim bejn investitur u l-Istat skont ftehim.

2.   Għal finijiet ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u żżomm aġġornata lista tal-ftehimiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“ftehim” tfisser kwalunkwe ftehim internazzjonali li jkopri dispożizzjonijiet dwar l-investiment dirett barrani li għalih l-Unjoni tkun Parti, jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet, u li jipprovdi għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat;

(b)

“spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ” tfisser it-tariffi u l-ispejjeż tat-tribunal tal-arbitraġġ u tal-istituzzjoni tal-arbitraġġ, u l-ispejjeż tar-rappreżentanza u spejjeż aġġudikati lir-rikorrent mit-tribunal tal-arbitraġġ, bħal spejjeż tat-traduzzjoni, spejjeż ta’ analiżi legali u ekonomika u spejjeż rilevanti oħrajn fir-rigward tal-proċedimenti ta’ arbitraġġ;

(c)

“tilwima” tfisser talba mressqa minn rikorrent kontra l-Unjoni jew Stat Membru skont ftehim u li dwarha tribunal tal-arbitraġġ jagħti deċiżjoni;

(d)

“soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat” tfisser mekkaniżmu stipulat minn ftehim li permezz tiegħu rikorrent jista’ jibda talba kontra l-Unjoni jew Stat Membru;

(e)

“Stat Membru” tfisser wieħed jew aktar mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

(f)

“Stat Membru konċernat” tfisser l-Istat Membru li jkun ta t-trattament li allegatament ikun inkonsistenti mal-ftehim;

(g)

“responsabbiltà finanzjarja” tfisser obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus aġġudikata minn tribunal tal-arbitraġġ jew miftiehma bħala parti ta’ soluzzjoni u li tinkludi l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ;

(h)

“soluzzjoni” tfisser kwalunkwe ftehim bejn l-Unjoni jew Stat Membru, jew it-tnejn, minn naħa waħda, u rikorrent, min-naħa l-oħra, fejn ir-rikorrent jaqbel li ma jsegwix it-talba tiegħu fi skambju għall-ħlas ta’ somma ta’ flus jew għal azzjoni li ma tkunx il-ħlas ta’ flus, anke fejn is-soluzzjoni tkun irreġistrata f’aġġudikazzjoni ta’ tribunal tal-arbitraġġ;

(i)

“tribunal tal-arbitraġġ” tfisser kwalunkwe persuna jew korp maħtur taħt ftehim biex jiddeċiedi dwar tilwim bejn investitur u l-Istat;

(j)

“rikorrent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tista’ tressaq talba għal soluzzjoni ta’ tilwim bejn investitur u l-Istat skont ftehim jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li lilha ġew assenjati legalment it-talbiet tar-rikorrent taħt il-ftehim;

(k)

“id-dritt tal-Unjoni” tfisser it-TFUE u t-TUE, kif ukoll kwalunkwe att legali tal-Unjoni msemmi fit-tieni, tielet u raba’ paragrafi tal-Artikolu 288TFUE u kwalunkwe ftehim internazzjonali li għalih l-Unjoni tkun Parti jew li għalih l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu Partijiet; għall-finijiet biss ta’ dan ir-Regolament, “id-dritt tal-Unjoni” ma għandhiex tfisser id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment fil-ftehim;

(l)

“meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni” tirriferi għal trattament fejn l-Istat Membru konċernat seta’ biss jevita l-allegat ksur tal-ftehim billi ma josservax obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni bħal fejn ma jkollu l-ebda diskrezzjoni jew marġini ta’ apprezzament fir-rigward tar-riżultat li għandu jinkiseb.

KAPITOLU II

TQASSIM TAR-RESPONSABBILTÀ FINANZJARJA

Artikolu 3

Kriterji tat-tqassim

1.   Ir-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta minn tilwim taħt ftehim għandha titqassam skont il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-Unjoni għandu jkollha r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni;

(b)

l-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti minn dak l-Istat Membru;

(c)

b’eċċezzjoni għall-punt (b), l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mit-trattament mogħti minn Stat Membru fejn tali trattament kien meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

Minkejja l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn l-Istat Membru konċernat ikun meħtieġ jaġixxi skont id-dritt tal-Unjoni sabiex jirrimedja l-inkonsistenza mad-dritt tal-Unjoni ta’ att preċedenti, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli finanzjarjament sakemm tali att preċedenti ma kienx meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni.

2.   Fejn huwa previst f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tiddetermina r-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati dwar tali deċiżjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jassumi r-responsabbiltà finanzjarja fejn:

(a)

huwa jkun aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali skont l-Artikolu 12; jew

(b)

huwa jidħol għal soluzzjoni, skont l-Artikolu 15.

4.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 4.

KAPITOLU III

TMEXXIJA TA’ TILWIM

TAQSIMA 1

Tmexxija ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni

Artikolu 4

Trattament mogħti mill-Unjoni

1.   L-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat fejn it-tilwim ikun jikkonċerna trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

2.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi talba għal konsultazzjonijiet mingħand rikorrent jew avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ skont il-ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

TAQSIMA 2

Tmexxija ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti minn Stat Membru

Artikolu 5

Trattament mogħti minn Stat Membru

Din it-Taqsima għandha tapplika f’tilwim li jikkonċerna, kompletament jew parzjalment, trattament mogħti minn Stat Membru.

Artikolu 6

Kooperazzjoni u konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat

1.   F’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali msemmi fl-Artikolu 4(3) tat-TUE, il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiddefendu u jipproteġu l-interessi tal-Unjoni u tal-Istat Membru konċernat.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet dwar il-ġestjoni ta’ tilwim skont dan ir-Regolament, filwaqt li jieħdu kont ta’ kwalunkwe skadenza stipulata f’dan ir-Regolament u fil-ftehim konċernat, u għandhom jikkondividu ma’ xulxin l-informazzjoni fejn tkun rilevanti għat-tmexxija ta’ tilwim.

Artikolu 7

Talba għal konsultazzjonijiet

1.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi talba għal konsultazzjonijiet minn rikorrent skont ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Istat Membru konċernat. Fejn Stat Membru jkun ġie informat dwar jew ikun irċieva talba għal konsultazzjonijiet, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih.

2.   Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat u tal-Kummissjoni għandhom jifformaw parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni għall-konsultazzjonijiet.

3.   L-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu minnufih lil xulxin l-informazzjoni rilevanti għall-każ.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe talba bħal din għal konsultazzjonijiet.

Artikolu 8

Avviż ta’ intenzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ arbitraġġ

1.   Fejn il-Kummissjoni tirċievi avviż li permezz tiegħu r-rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ, skont ftehim, din għandha tinnotifika minnufih lill-Istat Membru konċernat. Meta rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ kontra l-Unjoni jew Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol minn meta tirċievi l-avviż, bl-isem tar-rikorrent, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim li tagħhom kien allegat il-ksur, is-settur ekonomiku involut, it-trattament li allegatament kiser il-ftehim u l-ammont ta’ kumpens għad-danni mitlub.

2.   Fejn Stat Membru jirċievi avviż li permezz tiegħu rikorrent jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jibda proċedimenti ta’ arbitraġġ, dan għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bi kwalunkwe avviż bħal dan ta’ intenzjoni biex jinbdew proċedimenti ta’ arbitraġġ.

Artikolu 9

Status ta’ intimat

1.   L-Istat Membru konċernat għandu jaġixxi bħala l-intimat ħlief fejn tirriżulta kwalunkwe sitwazzjoni minn dawn li ġejjin:

(a)

il-Kummissjoni, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tkun ħadet deċiżjoni skont il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fi żmien 45 ġurnata minn meta tirċievi l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8; jew

(b)

l-Istat Membru, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6, jkun ikkonferma lill-Kummissjoni bil-miktub li ma jkollux l-intenzjoni li jaġixxi bħala l-intimat fi żmien 45 ġurnata minn meta jirċievi l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8.

Jekk tirriżulta kwalunkwe sitwazzjoni minn dawk imsemmija fil-punt (a) jew (b), l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali li tkun kompleta u bilanċjata u raġunament legali pprovduti lill-Istati Membri, f’konformità mal-proċedura ta’ konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), li l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat fejn tirriżulta waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew tal-anqas parti minnha li tirriżulta mit-tilwim skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3; jew

(b)

it-tilwim ikun jikkonċerna wkoll trattament mogħti mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji jew aġenziji tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata, u raġunament legali pprovduti lill-Istati Membri, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3), li l-Unjoni għandha taġixxi bħala l-intimat meta jkun qed jiġi kkontestat trattament simili f’talba relatata kontra l-Unjoni fid-WTO, fejn ikun ġie stabbilit bord u t-talba tkun tirrigwarda l-istess kwistjoni legali speċifika, u fejn ikun meħtieġ li tiġi żgurata argumentazzjoni konsistenti fil-każ tad-WTO.

4.   Filwaqt li taġixxi skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-difiża tal-Unjoni tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Istat Membru konċernat.

5.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom, minnufih wara li jirċievu l-avviż jew in-notifika msemmija fl-Artikolu 8, jidħlu f’konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6 dwar il-ġestjoni tal-każ skont dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jiżguraw li tiġi osservata kwalunkwe skadenza stabbilita fil-ftehim.

6.   Meta l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont il-paragrafi 2 u 5, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat dwar kwalunkwe eċċezzjoni jew osservazzjoni qabel ma din tiġi ffinalizzata u ppreżentata. Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat għandhom, fuq talba tal-Istat Membru u bi spejjeż tiegħu, jifformaw parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni għal kwalunkwe seduta u l-Kummissjoni għandha tieħu kont debitu tal-interess tal-Istat Membru.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe tilwim li fiha jiġi applikat dan l-Artikolu u l-mod kif qed jiġi applikat.

Artikolu 10

Tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ minn Stat Membru

1.   Fejn Stat Membru jaġixxi bħala l-intimat, fil-fażijiet kollha tat-tilwima, inklużi nullità, appell jew reviżjoni possibbli, l-Istat Membru skont l-Artikolu 6 għandu:

(a)

jipprovdi lill-Kummissjoni b’mod f’waqtu dokumenti rilevanti relatati mal-proċedura;

(b)

jinforma lill-Kummissjoni b’mod f’waqtu dwar il-passi proċedurali sinifikanti kollha, u fuq talba jidħol f’konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni bil-għan li jieħu kont debitu ta’ kwalunkwe punt tal-liġi jew kwalunkwe element ieħor ta’ interess għall-Unjoni li jitqajjem mit-tilwim u jiġi identifikat mill-Kummissjoni f’analiżi bil-miktub mhux vinkolanti pprovduta lill-Istat Membru konċernat; u

(c)

jippermetti li rappreżentanti tal-Kummissjoni, fuq talba tagħha u bi spejjeż għaliha, jifformaw parti mid-delegazzjoni li tirrappreżenta lill-Istat Membru.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru dokumenti rilevanti relatati mal-proċedimenti, sabiex tiżgura difiża kemm jista’ jkun effettiva.

3.   Malli ssir aġġudikazzjoni, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Tmexxija ta’ proċedimenti ta’ arbitraġġ mill-Unjoni

1.   Skont l-Artikolu 6, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw matul il-proċedimenti kollha ta’ arbitraġġ, fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat fi kwalunkwe tilwima li fiha l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew parti minnha:

(a)

il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tiddifendi u tipproteġi l-interessi tal-Istat Membru konċernat;

(b)

l-Istat Membru konċernat għandu jipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-Kummissjoni;

(c)

il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istat Membru konċernat dokumenti rilevanti relatati mal-proċediment, iżżomm lill-Istat Membru informat dwar il-fażijiet proċedurali sinifikanti kollha u tidħol f’konsultazzjonijiet mal-Istat Membru fi kwalunkwe każ meta l-Istat Membru konċernat jitlob dan, sabiex tiżgura difiża kemm jista’ jkun effettiva;

(d)

il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jippreparaw id-difiża f’kooperazzjoni mill-qrib bejniethom; u

(e)

id-delegazzjoni tal-Unjoni fil-proċedimenti għandha tkun magħmula mill-Kummissjoni u mir-rappreżentanti tal-Istat Membru konċernat, ħlief meta l-Istat Membru konċernat jinforma lill-Kummissjoni li huwa jkollu l-intenzjoni li ma jiffurmax parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni fil-proċedimenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma b’mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fil-proċedimenti ta’ arbitraġġ imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Aċċettazzjoni mill-Istat Membru konċernat tar-responsabbiltà finanzjarja potenzjali fejn l-Unjoni tkun l-intimat

Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat fi kwalunkwe tilwima li fiha l-Istat Membru jkollu l-obbligu li jassumi r-responsabbiltà finanzjarja potenzjali kollha jew parti minnha, l-Istat Membru konċernat jista’, fi kwalunkwe ħin, jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja li tirriżulta mill-arbitraġġ. Għal dan il-għan, l-Istat Membru konċernat u l-Kummissjoni jistgħu jidħlu f’arranġamenti li jittrattaw, inter alia:

(a)

mekkaniżmi għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ;

(b)

mekkaniżmi għall-ħlas ta’ kwalunkwe aġġudikazzjoni li ssir kontra l-Unjoni.

KAPITOLU IV

SOLUZZJONI TA’ TILWIM FEJN L-UNJONI TKUN L-INTIMAT

Artikolu 13

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti mill-Unjoni

1.   Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti esklużivament mill-Unjoni tkun fl-interess tal-Unjoni, hija tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni biex tapprova s-soluzzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

2.   Jekk soluzzjoni tkun potenzjalment tinvolvi azzjoni li ma tkunx il-ħlas ta’ somma monetarja, għandhom japplikaw il-proċeduri rilevanti għal tali azzjoni.

Artikolu 14

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti kompletament jew parzjalment minn Stat Membru fejn l-Unjoni tkun tixtieq issib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna trattament mogħti, kemm jekk kompletament kif ukoll jekk parzjalment, minn Stat Membru, u l-Kummissjoni tikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun fl-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha l-ewwel tikkonsulta lill-Istat Membru konċernat skont l-Artikolu 6. L-Istat Membru wkoll jista’ jibda konsultazzjonijiet bħal dawn mal-Kummissjoni.

2.   Jekk il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat jaqblu li jsolvu t-tilwima, l-Istat Membru konċernat għandu jfittex li jidħol f’arranġament mal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-elementi meħtieġa għan-negozjati u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni.

3.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li taħtha Stat Membru jiġi attribwit responsabbiltà finanzjarja u fejn ma tkun involuta ebda responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, huwa biss l-Istat Membru konċernat li jista’ jsolvi t-tilwima, skont l-Artikolu 15.

4.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat skont il-punt (b) tal-Artikolu 9(1), il-Kummissjoni tista’, wara konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 6(1), tiddeċiedi li ssolvi t-tilwima fejn is-soluzzjoni tkun fl-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Meta tiddeċiedi dan, il-Kummissjoni għandha tipprovdi analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali li juru l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

5.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima skont l-Artikolu 9(2) li tinvolvi biss ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u fejn ma tkun involuta ebda responsabbiltà finanzjarja ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ssolvi t-tilwima.

6.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima skont l-Artikolu 9(2) li tinvolvi r-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u ta’ Stat Membru, il-Kummissjoni ma tistax issolvi t-tilwima mingħajr il-qbil tal-Istat Membru konċernat. L-Istat Membru konċernat jista’ jippreżenta analiżi kompleta tal-impatt tas-soluzzjoni proposta fuq l-interessi finanzjarji tiegħu. Fejn l-Istat Membru ma jaqbilx li tissolva t-tilwima, il-Kummissjoni tista’ madankollu tiddeċiedi li ssolviha dment li tali soluzzjoni ma jkollha ebda implikazzjoni finanzjarja jew baġitarja għall-Istat Membru konċernat abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali, li jieħdu kont tal-analiżi tal-Istat Membru u juru l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istat Membru konċernat. F’dak il-każ l-Artikolu 19 ma għandux japplika.

7.   It-termini tas-soluzzjoni taħt il-paragrafi 4, 5 u 6 ma għandhomx jinkludu azzjonijiet min-naħa tal-Istat Membru konċernat ħlief il-ħlas ta’ somma monetarja.

8.   Kwalunkwe soluzzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-att ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

Artikolu 15

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti esklużivament minn Stat Membru fejn l-Istat Membru jkun jixtieq isib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna esklużivament trattament mogħti minn Stat Membru, l-Istat Membru konċernat jista’ jipproponi li tissolva t-tilwima fejn:

(a)

l-Istat Membru konċernat jaċċetta kwalunkwe responsabbiltà finanzjarja potenzjali li tirriżulta mis-soluzzjoni;

(b)

kwalunkwe arranġament ta’ soluzzjoni jkun eżegwibbli biss kontra l-Istat Membru konċernat; u

(c)

it-termini tas-soluzzjoni jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet biex jevalwaw l-intenzjoni ta’ Stat Membru li jsolvi tilwima.

3.   L-Istat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-abbozz tal-arranġament tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha titqies li aċċettat l-abbozz ta’ arranġament ta’ soluzzjoni sakemm, fi żmien 90 ġurnata wara n-notifika tal-abbozz ta’ soluzzjoni mill-Istat Membru, hija ma tiddeċidix mod ieħor permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 22(2), għar-raġuni li l-abbozz ta’ soluzzjoni ma jissodisfax il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-abbozz ta’ soluzzjoni jiġi aċċettat, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex jitwettqu l-arranġamenti ta’ soluzzjoni.

Artikolu 16

Soluzzjoni ta’ tilwim li jikkonċerna trattament mogħti parzjalment minn Stat Membru fejn dak l-Istat Membru jkun jixtieq isib soluzzjoni

1.   Fejn l-Unjoni tkun l-intimat f’tilwima li tikkonċerna trattament mogħti parzjalment minn Stat Membru, u l-Istat Membru jikkunsidra li s-soluzzjoni tat-tilwima tkun fl-interessi finanzjarji tiegħu, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6.

2.   Jekk il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat jaqblu li jsolvu t-tilwima, l-Istat Membru konċernat għandu jfittex li jidħol f’arranġament mal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-elementi meħtieġa għan-negozjar u l-implimentazzjoni tas-soluzzjoni.

3.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix il-kunsens biex tissolva t-tilwima, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirrifjuta li tasal għal soluzzjoni, abbażi ta’ analiżi fattwali kompleta u bilanċjata u raġunament legali pprovdut lill-Istati Membri, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22(3).

KAPITOLU V

ĦLAS TA’ AĠĠUDIKAZZJONIJIET FINALI JEW SOLUZZJONIJIET

Artikolu 17

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-Kapitolu għandu japplika fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’tilwim.

Artikolu 18

Proċedura għall-ħlas ta’ aġġudikazzjonijiet jew soluzzjonijiet

1.   Rikorrent li jkun kiseb aġġudikazzjoni finali skont ftehim jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-ħlas ta’ dik l-aġġudikazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe aġġudikazzjoni bħal din, ħlief meta l-Istat Membru konċernat ikun aċċetta r-responsabbiltà finanzjarja skont l-Artikolu 12, li f’dan il-każ l-Istat Membru għandu jħallas l-aġġudikazzjoni.

2.   Fejn soluzzjoni skont l-Artikolu 13 jew 14 ma tkunx irreġistrata f’aġġudikazzjoni, rikorrent jista’ jippreżenta talba lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-soluzzjoni. Il-Kummissjoni għandha tħallas kwalunkwe soluzzjoni bħal din fil-perijodi ta’ żmien rilevanti stabbiliti fil-ftehim ta’ soluzzjoni.

Artikolu 19

Proċedura fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim fir-rigward tar-responsabbiltà finanzjarja

1.   Fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat skont l-Artikolu 9, u l-Kummissjoni tikkunsidra li l-aġġudikazzjoni jew i jew l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ inkwistjoni għandhom jitħallsu, parzjalment jew kompletament, mill-Istat Membru konċernat abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat għandhom jidħlu minnufih f’konsultazzjonijiet biex jilħqu ftehim dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istat Membru konċernat, u tal-Unjoni fejn applikabbli.

3.   Fi żmien tliet xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni jew tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru konċernat, li tiddetermina l-ammont li għandu jitħallas mill-Istat Membru. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar tali deċiżjoni u l-motivazzjoni finanzjarju tagħha.

4.   Sakemm l-Istat Membru konċernat ma joġġezzjonax għad-determinazzjoni tal-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3, l-Istat Membru konċernat għandu jikkumpensal-baġit tal-Unjoni għall-ħlas tal-aġġudikazzjoni jew tas-soluzzjoni jew tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe mgħax dovut bir-rata li tapplika għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

5.   Jekk l-Istat Membru konċernat joġġezzjona u l-Kummissjoni ma taqbilx mal-oġġezzjoni tal-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-oġġezzjoni tal-Istat Membru, li titlob lill-Istat Membru konċernat jirrimborża l-ammont imħallas mill-Kummissjoni, flimkien mal-imgħax bir-rata applikabbli għall-flejjes l-oħra dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

6.   Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont il-paragrafi 3 u 5 għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Ħlas bil-quddiem ta’ spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li titlob lill-Istat Membru konċernat iħallas kontribuzzjonijiet finanzjarji bil-quddiem lill-baġit tal-Unjoni fir-rigward ta’ spejjeż previsti jew imġarrba li jirriżultaw mill-arbitraġġ. Tali deċiżjoni dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandha tkun proporzjonata u għandha tieħu kont tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Sa fejn l-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ jingħataw lill-Unjoni mit-tribunal tal-arbitraġġ, u l-Istat Membru konċernat ikun għamel ħlas perjodiku tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn jiġu ttrasferiti lill-Istat Membru li jkun ħallashom bil-quddiem, flimkien mal-imgħax bir-rata li tapplika għal flejjes oħrajn dovuti lill-baġit tal-Unjoni.

Artikolu 21

Ħlas minn Stat Membru

Ir-rimborż jew il-ħlas minn Stat Membru lill-baġit tal-Unjoni, għall-ħlas ta’ aġġudikazzjoni jew soluzzjoni jew spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ, inklużi dawk imsemmijin fl-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkunsidrati bħala dħul intern assenjat fis-sens tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dan jista’ jintuża biex ikopri l-infiq li jirriżulta minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 218 tat-TFUE li jipprovdu għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn l-investitur u l-Istat jew biex ikunu rikostitwiti approprjazzjonijiet inizjalment provduti biex ikopru l-ħlas ta’ aġġudikazzjoni jew soluzzjoni jew spejjeż li jirriżultaw mill-arbitraġġ.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Ftehimiet ta’ Investiment stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 23

Rapport u reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dettaljat dwar il-funzjonament ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’intervalli regolari. Dak ir-rapport għandu jkun fih l-informazzjoni rilevanti kollha inkluża l-lista ta’ talbiet imressqa kontra l-Unjoni jew l-Istati Membri, il-proċedimenti u d-deċiżjonijiet relatati, u l-impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni. L-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sat-18 ta’ Settembru 2019. Sussegwentement għandhom jiġu ppreżentati rapporti kull tliet snin.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kull sena, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill lista ta’ talbiet għal konsultazzjonijiet minn rikorrenti, talbiet għal arbitraġġ u deċiżjonijiet arbitrali.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta wkoll, flimkien mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u abbażi tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Tilwim taħt ftehimiet konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament

Fir-rigward ta’ tilwim taħt ftehimiet koperti mill-Artikolu 1 u konklużi qabel is-17 ta’ Settembru 2014, dan ir-Regolament għandu japplika biss fir-rigward ta’ tilwim fejn il-preżentazzjoni ta’ talba għal arbitraġġ tkun saret wara is-17 ta’ Settembru 2014, u li jikkonċernaw it-trattament mogħti wara is-17 ta’ Settembru 2014.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(2)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2002 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(4)  Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 351 20.12.2012, p. 40).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni

L-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għat-tqassim tal-kompetenzi stabbilit mit-Trattati u ma għandhomx jiġu interpretati bħala eżerċizzju ta’ kompetenza kondiviża mill-Unjoni f’oqsma fejn il-kompetenza tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżerċitata.


DIRETTIVI

28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/135


DIRETTIVA 2014/89/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

li tistabbilixxi qafas għal ippjanar tal-ispazju marittimu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43(2), 100(2), 192(1), 194(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-domanda għolja u li qed tiżdied b’rata mgħaġġla għal spazju marittimu għal skopijiet differenti, bħall-impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-esplorazzjoni u l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass, it-tbaħħir marittimu u l-attivitajiet tas-sajd, il-konservazzjoni tal-ekosistema u l-bijodiversità, l-estrazzjoni tal-materja prima, it-turiżmu, l-impjanti tal-akkwakultura u l-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, kif ukoll pressjonijiet multipli fuq ir-riżorsi kostali jeħtieġu approċċ ta’ ppjanar u ġestjoni integrati.

(2)

Approċċ bħal dan għall-ġestjoni tal-oċeani u l-governanza marittima ġie żviluppat fil-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea (‘PMI’) li tinkludi, bħala l-pilastru ambjentali tagħha, id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). L-objettiv tal-PMI huwa li tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani u li tiżviluppa teħid tad-deċiżjonijiet ikkoordinat, koerenti u trasparenti fir-rigward tal-politiki settorjali tal-Unjoni li jaffettwaw l-oċeani, l-ibħra, il-gżejjer, ir-reġjuni kostali u l-aktar imbiegħda u s-setturi marittimi, inkluż permezz ta’ strateġiji dwar il-baċir tal-baħar jew l-istrateġiji makroreġjonali, filwaqt li jinkiseb status ambjentali tajjeb kif stipulat fid-Direttiva 2008/56/KE.

(3)

Il-PMI tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ politika trasversali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet ikkonċernati japplikaw approċċ integrat, koordinat u transkonfinali. L-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi u kostali u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi tal-baħar u kostali.

(4)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jappoġġa u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (‘l-Istrateġija Ewropa 2020’), approvata mill-Kunsill Ewropew fil-konkluzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010, li għandha l-għan li twassal għal livelli għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali, inkluża l-promozzjoni ta’ ekonomija iktar kompetittiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika. Is-setturi kostali u marittimi għandhom potenzjal sinifikanti għat-tkabbir sostenibbli u li huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata ‘t-Tkabbir Blu’, opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu, il-Kummissjoni identifikat għadd ta’ inizjattivi li għaddejjin bħalissa tal-UE li huma maħsuba biex jimplimentaw l-istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll għadd ta’ attivitajiet li l-inizjattivi għat-tkabbir blu jistgħu jiffokaw fuqhom fil-futur u li jistgħu jiġu appoġġati b’mod adegwat b’kunfidenza u ċertezza akbar għall-investituri pprovduti permezz ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu.

(6)

Ir-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) appoġġa u ffaċilita l-implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu u tal-ġestjoni integrata tal-kosta. Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment, inkluż il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (6), se jipprovdu opportunitajiet biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-2014-2020.

(7)

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982 (‘UNCLOS’) tiddikjara fil-preambolu tagħha li l-kwistjonijiet relatati mal-użu tal-ispazju oċeaniku huma relatati mill-qrib ma’ xulxin u jeħtieġ li jitqiesu bħala entità sħiħa. L-ippjanar tal-ispazju oċeaniku huwa l-azzjoni ta’ avvanz u l-istrutturar loġiċi tal-obbligi u tal-użu tad-drittijiet mogħtija fl-ambitu tal-UNCLOS u għodda prattika fl-assistenza lill-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom.

(8)

Sabiex issir promozzjoni tal-koeżistenza sostenibbli tal-użi u, fejn applikabbli, it-tqassim xieraq tal-użi relevanti fl-ispazju marittimu, għandu jitwaqqaf qafas li jikkonsisti minn tal-inqas fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu, li jirriżulta fi pjani.

(9)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi għal ġestjoni effikaċi tal-attivitajiet tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u kostali, billi jinħoloq qafas għal teħid ta’ deċiżjoni konsistenti, trasparenti, sostenibbli u bbażat fuq l-evidenza. Sabiex tilħaq l-objettivi tagħha, din id-Direttiva għandha tistipula obbligi biex tistabbilixxi proċess ta’ ppjanar marittimu, li jirriżulta fi pjan tal-ispazjumarittimu jew pjani tal-ispazju marittimu; proċess ta’ ppjanar bħal dan għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u jippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Mingħajr preġudizzju għall-acquis eżistenti tal-Unjoni fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport, is-sajd u l-ambjent, din id-Direttiva ma għandhiex timponi obbligi ġodda oħra, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-għażliet konkreti tal-Istati Membri dwar kif jitwettqu l-politiki settorjali f’dawk l-oqsma, imma għandu jkollha l-għan li tikkontribbwixxi għal dawk il-politiki permezz tal-proċess ta’ ppjanar.

(10)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċarezza ġuridika, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku għall-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jiġi definit f’konformità mal-istrumenti leġiżlattivi eżistenti tal-Unjoni u d-dritt marittimu internazzjonali, b’mod partikolari UNCLOS. Il-kompetenzi tal-Istati Membri relatati mal-konfini marittimi u l-ġurisdizzjoni ma jinbidlux b’din id-Direttiva.

(11)

Filwaqt li huwa xieraq li l-Unjoni tipprovdi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jibqgħu responsabbli u kompetenti għat-tfassil u d-determinazzjoni, fi ħdan l-ilmijiet tal-ibħra tagħhom, tal-formati u l-kontenut ta’ dawn il-pjani inklużi arranġamenti istituzzjonali u fejn applikabbli, it-tqassim tal-ispazju marittimu għall-attivitajiet u l-użi differenti b’mod rispettiv.

(12)

Sabiex jirrispettaw il-proporzjonalità u s-sussidjarjetà, kif ukoll biex ikun minimizzat il-piż amministrattiv addizzjonali, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom kemm jista’ jkun jibnu fuq regoli u mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u lokali eżistenti inklużi dawk spjegati fir-Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jew fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE (8).

(13)

Fl-ilmijiet tal-ibħra, l-ekosistemi u r-riżorsi tal-baħar, huma suġġetti għal pressjonijiet sinifikanti. L-attivitajiet tal-bniedem, iżda wkoll l-effetti tat-tibdil fil-klima, il-perikli naturali u d-dinamika mal-linja tal-kosta bħall-erożjoni u l-akkrexximent, jista’ jkollhom impatti ħorox fuq l-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku kostali, kif ukoll l-ekosistemi tal-baħar u dan iwassal għad-deterjorazzjoni tal-istatus ambjentali, it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi. Għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal dawn id-diversi pressjonijiet fl-istabbiliment tal-pjani tal-ispazju marittimu. Barra minn hekk, ekosistemi tal-baħar b’saħħithom u s-servizzi multipli tagħhom, jekk ikunu integrati fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar, jistgħu jwasslu għal benefiċċji sostanzjali f’termini tal-produzzjoni tal-ikel, ir-rikreazzjoni u t-turiżmu, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-kontroll tad-dinamika tal-linja tal-kosta u l-prevenzjoni tad-diżastri.

(14)

Sabiex issir promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, tal-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu japplika approċċ ibbażat fuq l-ekosistemi kif imsemmi fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2008/56/KE bil-għan li jiżgura li l-pressjoni kollettiva tal-attivitajiet kollha tinżamm fi ħdan livelli kompatibbli mal-ksib ta’ status ambjentali tajjeb u li ma tkunx kompromessal-kapaċità tal-ekosistemi tal-baħar li jirreaġixxu għall-bidliet ikkawżati mill-bniedem, filwaqt li jikkontribwixxi għall-użu sostenibbli ta’ oġġetti u servizzi tal-baħar mill-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni. Barra minn hekk, approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għandu jiġi applikat b’mod adattat għall-ekosistemi speċifiċi u speċifiċitajiet oħra tar-reġjuni tal-baħar differenti u għandu jieħu kont tax-xogħol li qed isir bħalissa fil-Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali li qed jibnu fuq għarfien u esperjenzi eżistenti. L-approċċ għandu jippermetti wkoll ġestjoni li tadatta ruħha li tiżgura raffinament u aktar żvilupp bħala esperjenzi, u żieda fl-għarfien billi jitqiesu d-data u l-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-baċiri tal-baħar biex jiġi implimentat dak l-approċċ. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, kif stabbilit fl-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(15)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu jikkontribwixxi, inter alia, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (10), id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (12), id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), id-Direttiva 2008/56/KE, filwaqt li jitfakkru l-Komunikazzjoni tat-3 ta’ Mejju 2011 intitolata “L-assigurazzjoni tal-ħajja tagħna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2011 intitolata “Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi”, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ April 2013 intitolata “Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 intitolata “Għanijiet u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi għal politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”, kif ukoll, fejn hu xieraq, dawk dwar il-Politika Reġjonali tal-Unjoni, inkluż strateġiji dwar il-baċir tal-baħar u dawk makroreġjonali.

(16)

L-attivitajiet tal-baħar u dawk kostali huma spiss interrelatati mill-qrib. Sabiex issir promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ispazju marittimu, l-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jieħu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar. Għal din ir-raġuni l-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jkollu rwol tassew utli biex jiddetermina l-orjentazzjonijiet relatati mal-ġestjoni sostenibbli u integrata tal-attivitajiet tal-bniedem fil-baħar, il-preservazzjoni tal-ambjent ħaj, il-fraġilità tal-ekosistemi kostali, l-erożjoni u l-fatturi soċjali u ekonomiċi. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jimmira biex jintegra d-dimensjoni marittima ta’ xi użi jew attivitajiet kostali u l-impatti tagħhom u finalment jippermetti viżjoni integrata u strateġika.

(17)

Din id-Direttiva qafas ma tinterferix mal-kompetenza tal-Istati Membri għall-ippjanar urban u rurali, inkluż kwalunkwe sistema tal-ippjanar tal-ispazji terrestri jew fuq l-art użata biex jiġi ppjanat kif għandhom jintużaw żoni fuq l-art u dawk kostali. Jekk l-Istati Membri japplikaw l-ippjanar terrestri għall-ilmijiet kostali jew parti minnhom, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawk l-ilmijiet.

(18)

L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-identifikazzjoni tal-problema u l-opportunità, il-ġbir ta’ informazzjoni, l-ippjanar, it-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-reviżjoni jew l-aġġornar u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u għandu debitament jikkunsidra l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-aqwa għarfien disponibbli. Għandu jsir l-aqwa użu tal-mekkaniżmi spjegati f’leġiżlazzjoni eżistenti jew futura, inkluża d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE (15) u l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Għarfien dwar il-Baħar 2020.

(19)

L-iskop ewlieni tal-ippjanar tal-ispazji marittimu huwa li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u li jiġi identifikat l-użu tal-ispazju marittimu għal użi tal-baħar differenti kif ukoll li jiġu mmaniġġjati l-użi u l-kunflitti tal-ispazji tal-baħar. L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu wkoll l-għan li jidentifika u jħeġġeġ użu b’bosta skopijiet, f’konformità mal-politiki nazzjonali u l-leġiżlazzjoni relevanti. Sabiex jintlaħaq dak l-iskop, jeħtieġ li tal-inqas l-Istati Membri jiżguraw li l-proċess jew il-proċessi tal-ippjanar jirriżultaw f’ippjanar komprensiv li jidentifika l-użi differenti tal-ispazju marittimu u filwaqt li jitqiesu l-bidliet fit-tul minħabba t-tibdil fil-klima.

(20)

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkoordinaw il-pjani tagħhom mal-Istati Membri relevanti u għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz fir-reġjun tal-baħar kkonċernat f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk l-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi konċernati fl-ambitu tal-liġi tal-Unjoni u dik internazzjonali. Il-kooperazzjoni transfruntiera effikaċi bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi ġirien teħtieġ l-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtorità jew awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Minħabba d-differenzi bejn diversi reġjuni jew subreġjuni tal-baħar u ż-żoni kostali, mhuwiex xieraq li f’din id-Direttiva tiġi preskritta fid-dettall il-forma li għanhom jieħdu dawk il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni.

(21)

Il-ġestjoni ta’ żoni tal-baħar hija kumplessa u tinvolvi livelli differenti ta’ awtoritajiet, operaturi ekonomiċi u partijiet oħra kkonċernati. Sabiex issir promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli b’mod effettiv, huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati, l-awtoritajiet u l-pubbliku jiġu kkonsultati fi stadju adattat fit-tħejjija ta’ pjani tal-ispazji marittimi fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, f’konformità mal-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni. Eżempju tajjeb għad-dispożizzjonijiet dwar il-konsultazzjoni pubblika jinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

(22)

Permezz tal-pjani tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-piż u l-ispejjeż amministrattivi b’appoġġ għall-azzjoni tagħhom biex jimplimentaw leġiżlazzjoni oħra relevanti tal-Unjoni. L-iskedi taż-żmien għall-pjani tal-ispazji marittimi għandhom għalhekk, meta possibbli, ikunu koerenti mal-iskedi taż-żmien spjegati f’leġiżlazzjoni oħra relevanti, speċjalment: id-Direttiva 2009/28/KE, li teħtieġ li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fl-2020 ikun tal-inqas 20 % u li tidentifika koordinazzjoni tal-awtorizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u l-proċeduri tal-ippjanar, inkluż l-ippjanar tal-ispazji bħala kontribuzzjoni importanti biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli; id-Direttiva 2008/56/KE u l-punt 6 tal-Parti A tal-Anness tad-Deċiżjoni 2010/477/UE, li teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar sal-2020 u li tidentifika l-ippjanar tal-ispazju marittimu bħala għodda ta’ appoġġ għall-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem sabiex jinkiseb status ambjentali tajjeb; id-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE li teħtieġ li n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jiġi stabbilit sal-2020 permezz tal-integrazzjoni tan-netwerks tal-infrastruttura tat-trasport Ewropew fuq l-art, fil-baħar u fl-ajru.

(23)

Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) tistabbilixxi l-valutazzjoni ambjentali bħala għodda importanti għall-integrazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjani u programmi. Meta jkun probabbli li pjani tal-ispazji marittimi jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent dawn jiġu suġġetti għad- Direttiva 2001/42/KE. Meta pjani tal-ispazji marittimi jinkludu siti ta’ Natura 2000, valutazzjoni ambjentali bħal din tista’ tiġi magħquda mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/43/KEE, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni.

(24)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu bbażati fuq data affidabbli u biex ikun evitat piż amministrattiv żejjed, huwa essenzjali li l-Istati Membri jużaw l-aħjar data u informazzjoni disponibbli billi jħeġġu lill-partijietikkonċernati relevanti jaqsmu l-informazzjoni u permezz tal-użu ta’ strumenti u għodod eżistenti għall-ġbir tad-data, bħal dawk żviluppati fil-kuntest tal-inizjattiva tal-Għarfien dwar il-Baħar 2020 u d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

(25)

L-Istati Membri għandhom jibagħtu kopji tal-pjani tal-ispazji marittimi u kwalunke aġġornament lill-Kummissjoni, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni fornuta mill-Istati Membri u informazzjoni eżistenti disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex iżżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(26)

It-traspożizzjoni f’waqtha ta’ din id-Direttiva hija essenzjali peress li l-Unjoni adottat għadd ta’ inizjattivi ta’ politika li għandhom jiġu implimentati sas-sena 2020 u li din id-Direttiva għandha l-għan li ssostni u li tikkomplementa.

(27)

Stat Membru mingħajr kosta jkun taħt obbligu sproporzjonat u mhux meħtieġ jekk ikollu jittrasponi u jimplimenta din id-Direttiva. Għalhekk, Stati Membri bħal dawn għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-ippjanar tal-ispazju marittimu u għandha l-għan li tippromwovi t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomiji marittimi, l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-baħar u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar.

2.   Fil-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni, dak il-qafas jipprevedi l-istabbiliment u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-ippjanar tal-ispazju marittimu, bil-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi speċifikati fl-Artikolu 5, filwaqt li jqis l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar u l-kooperazzjoni transfruntiera msaħħa, f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ilmijiet tal-baħar tal-Istati Membri mingħajr preġudizzju għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Hija ma għandhiex tapplika għal ilmijiet kostali li jaqgħu taħt l-ippjanar urban u rurali ta’ Stat Membru, sakemm dan ma jkunx kkomunikat fil-pjani tiegħu tal-ispazju marittimu.

2.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal attivitajiet li l-uniku għan tagħhom hu d-difiża jew is-sigurtà nazzjonali.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tfixkel il-kompetenza tal-Istati Membri biex ifasslu u jiddeterminaw, fl-ilmijiet tal-ibħra tagħhom, l-ammont u l-kopertura tal-pjani tal-ispazji marittimi tagħhom. Ma għandhiex tapplika għall-ippjanar urban u rurali.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa d-drittijiet sovrani u l-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri fuq l-ilmijiet tal-ibħra li huma derivati mil-liġi internazzjonali relevanti, b’mod partikolari l- UNCLOS. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhiex tinfluwenza d-delinjament u d-delimitazzjoni tal-fruntieri marittimi mill-Istati Membri f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-UNCLOS.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Politika Marittima Integrata” (PMI) tfisser il-politika tal-Unjoni li l-għan tagħha huwa li trawwem teħid tad-deċiżjonijiet koordinat u koerenti biex jiġi mmassimizzat l-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-Istati Membri, u b’mod partikolari r-reġjuni kostali, insulari u l-aktar imbiegħda fl-Unjoni, kif ukoll is-setturi marittimi, permezz ta’ politiki koerenti relatati mas-settur marittimu u kooperazzjoni internazzjonali relevanti;.

(2)

“ippjanar tal-ispazju marittimu” tfisser proċess li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-Istat Membru relevanti janalizzaw u jorganizzaw l-attivitajiet umani f’żoni tal-baħar sabiex jilħqu l-għanijiet ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali.

(3)

“reġjun tal-baħar” tfisser reġjun tal-baħar kif imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/56/KE.

(4)

“ilmijiet tal-ibħra” tfisser l-ilmijiet, il-qiegħ tal-baħar u s-subsoil kif definit fil-punt (1)(a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/56/KE u l-ilmijiet kostali kif definiti fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE u l-qiegħ tal-baħar u s-subsoil tagħhom.

KAPITOLU II

IPPJANAR TAL-ISPAZJU MARITTIMU

Artikolu 4

Stabbiliment u implimentazzjoni tal-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jimplimenta ppjanar tal-ispazju marittimu.

2.   Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar.

3.   Il-pjan jew il-pjani riżultat ta’ dan għandhom jiġu żviluppati u prodotti f’konformità mal-livelli istituzzjonali u ta’ governanza determinati mill-Istati Membri. Din id-Direttiva ma għandhiex tfixkel il-kompetenza tal-Istati Membri biex ifasslu u jiddeterminaw il-format u l-kontenut ta’ dak il-pjan jew dawk il-pjani.

4.   L-ippjanar tal-ispazju marittimu għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall- objettivi elenkati fl-Artikolu 5 u jissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6 u 8.

5.   Meta jiġi stabbilit l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod xieraq il-partikolaritajiet tar-reġjuni tal-baħar, u l-attivitajiet relevanti eżistenti u futuri u l-użi u l-impatti tagħhom fuq l-ambjent, kif ukoll ir-riżorsi naturali, u għandhom iqisu wkoll l-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar.

6.   L-Istati Membri jistgħu jinkludu jew jibnu fuq il-politiki, ir-regolamenti jew il-mekkaniżmi nazzjonali eżistenti li ġew jew li qed jiġu stabbiliti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, kemm-il darba jkunu konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 5

L-objettivi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   Meta jkun qed jiġi stabbilit u implimentat l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali sabiex jappoġġaw l-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli fis-settur marittimu, l-applikazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema, u l-promozzjoni tal-koeżistenza ta’ attivitajiet u użi relevanti.

2.   Permezz tal-pjani tal-ispazji marittimi, l-Istati Membri għandhom jimmiraw biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tas-setturi tal-enerġija fil-baħar, tat-trasport marittimu, u tas-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura, u tal-preżervazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-ambjent, inkluż ir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jilħqu objettivi oħra bħall-promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli u l-estrazzjoni sostenibbli ta’ materja prima.

3.   Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri biex jiddeterminaw kif jiġu riflessi u mkejla l-objettivi differenti fil-pjan jew pjani tal-ispazji marittimi tagħhom.

Artikolu 6

Rekwiżiti minimi għall-ippjanar tal-ispazju marittimu

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu passi proċedurali sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi elenkati fl-Artikolu 5 filwaqt li jqisu l-attivitajiet relevanti u l-użi fl-ilmijiet tal-ibħra.

2.   Waqt li jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jieħdu kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar;

(b)

jieħdu kont tal-aspetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali, kif ukoll l-aspetti ta’ sikurezza;

(c)

jimmiraw li jippromwovu l-koerenza bejn l-ippjanar tal-ispazju marittimu u l-pjan jew il-pjani riżultat ta’ dan u proċessi oħra, bħall-ġestjoni kostali integrata jew prattiki formali jew informali ekwivalenti;

(d)

jiżguraw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 9;

(e)

jorganizzaw l-użu tal-aħjar data disponibbli f’konformità mal-Artikolu 10;

(f)

jiżguraw il-kooperazzjoni transkonfinali fost l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 11;

(g)

jippromwovu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 12.

3.   Il-pjani tal-ispazji marittimi għandhom jiġu riveduti mill-Istati Membri meta jiddeċiedu huma iżda minn tal-inqas kull 10 snin.

Artikolu 7

Interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar

1.   Sabiex jittieħed kont tal-interazzjonijiet bejn l-art u l-baħar, f’konformità mal-Artikolu 4(2), jekk dan ma jiffurmawx parti minn proċess ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu nnifsu, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċessi formali jew informali oħra, bħall-ġestjoni integrata tal-kosta. Ir-riżultat għandu jkun rifless mill-Istati Membri fil-pjani tal-ispazji marittimi tagħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3), l-Istati Membri għandhom jimmiraw li permezz ta’ ppjanar tal-ispazju marittimu jippromwovu l-koerenza tal-pjan jew pjani tal-ispazju marittimu riżultat ta’ dan ma’ proċessi relevanti oħra.

Artikolu 8

Stabbiliment tal-pjani tal-ispazji marittimi

1.   Meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplimentaw l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjani tal-ispazji marittimi li jidentifikaw id-distribuzzjoni tal-ispazji u temporali ta’ attivitajiet u użi relevanti eżistenti u futuri fl-ibħra tagħhom, sabiex jikkontribwixxu għall-objettivi stipulati fl-Artikolu 5.

2.   Waqt li jagħmlu dan u f’konformità mal-Artikolu 2(3), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-interazzjonijiet relevanti ta’ attivitajiet u użi. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri, attivitajiet u użi u interessi possibbli jistgħu jinkludu:

żoni ta’ akkwakultura;

żoni tas-sajd;

impjanti u infrastrutturi għall-esplorazzjoni, l-isfruttament u l-estrazzjoni taż-żejt, tal-gass u riżorsi oħra tal-enerġija, tal-minerali u l-aggregati, u għall-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli;

rotot tat-trasport marittimu u flussi tat-traffiku;

żoni ta’ taħriġ militari;

siti tal-konservazzjoni tan-natura u tal-ispeċijiet u żoni protetti;

żoni tal-estrazzjoni ta’ materja prima;

riċerka xjentifika;

rotot ta’ kejbils u pipelines ta’ taħt il-baħar;

turiżmu;

wirt kulturali ta’ taħt l-ilma.

Artikolu 9

Parteċipazzjoni pubblika

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mezzi ta’ parteċipazzjoni pubblika billi jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha u billi jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati relevanti, l-awtoritajiet u l-pubbliku kkonċernati fi stadju bikri fl-iżvilupp tal-pjani tal-ispazji marittimi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet relevanti u l-pubbliku kkonċernati jkollhom aċċess għall-pjani hekk kif dawn jiġu ffinalizzati.

Arikolu 10

Użu u kondiviżjoni ta’ data

1.   L-Istati Membri għandhom jorganizzaw l-użu tal-aħjar data disponibbli, u jiddeċiedu kif se jorganizzaw l-iskambju tal-informazzjoni, meħtieġa għall-pjani tal-ispazji marittimi.

2.   Id-data msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi, inter alia:

(a)

data ambjentali, soċjali u ekonomika miġbura skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8;

(b)

data fiżika tal-baħar dwar l-ilmijiet tal-ibħra.

3.   Meta jimplimentaw il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jużaw strumenti u għodod relevanti, inklużi dawk diġà disponibbli fl-ambitu tal-PMI, u politiki oħra relevanti tal-Unjoni, bħal dawk imsemmija fid-Direttiva 2007/2/KE.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn Stati Membri

1.   Bħala parti mill-proċess ta’ ppjanar u ġestjoni, l-Istati Membri li għandhom ibħra konfinanti għandhom jikkooperaw bil-għan li jiġi żgurat li l-pjani tal-ispazji marittimi jkunu koerenti u koordinati fir-reġjun tal-baħar kollu kkonċernat. Tali kooperazzjoni għandha, b’mod partikolari, tqis kwistjonijiet ta’ natura transnazzjonali.

2.   Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintlaħaq permezz ta’:

(a)

strutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali istituzzjonali eżistenti bħal Konvenzjonijiet tal-Ibħra Reġjonali; u/jew

(b)

netwerks jew strutturi tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; u/jew

(c)

kwalunkwe metodu ieħor li jilħaq ir-rekwiżiti ta’ paragrafu 1, pereżempju fil-kuntest tal-istrateġiji dwar il-baċiri tal-baħar.

Artikolu 12

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi

L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom, meta possibbli, biex jikkooperaw ma’ pajjiżi terzi dwar l-azzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-ippjanar tal-ispazju marittimu fir-reġjuni tal-baħar relevanti u f’konformità mal-liġi u l-konvenzjonijiet internazzjonali, bħal bl-użu ta’ fora internazzjonali jew kooperazzjoni istituzzjonali reġjonali.

KAPITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 13

Awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’lista ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, flimkien mal-elementi ta’ informazzjoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil fl-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1 sa sitt xhur minn meta jidħol fis-seħħ tibdil bħal dan.

Artikolu 14

Monitoraġġ u rappurtar

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu kopji tal-pjani tal-ispazji marittimi, inkluż materjal ta’ spjegazzjoni eżistenti relevanti dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-aġġornamenti kollha sussegwenti lill-Kummissjoni u lil kwalunkwe Stati Membri oħra kkonċernati fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard minn sena wara d-data ta’ skadenza għall-istabbiliment tal-pjani tal-ispazji marittimi, u kull erba’ snin minn hemm ‘il quddiem, rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Traspożizzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-18 ta’ Settembru 2016. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta’ kif għandha ssir din ir-referenza għandu jiġi stipulat mill-Istati Membri.

2.   L-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) għandhom jinħatru sat-18 ta’ Settembru 2016.

3.   Il-pjani tal-ispazji marittimi msemmijin fl-Artikolu 4 għandhom jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2021.

4.   L-obbligu għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għall-Istati Membri mingħajr kosta.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 341, 21.11.2013, p. 67.

(2)  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 124.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

(4)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).

(5)  Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata (ĠU L 321, 5.12.2011, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond tas-Sajd Ewropew Marittimu u u li jħassar Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1).

(7)  Rakkomandazzjoni 2002/413/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-Ġestjoni Integrata taż-Żoni tal-Kosta fl-Ewropa (ĠU L 148, 6.6.2002, p. 24).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/631/UE tat-13 ta’ Settembru 2010 rigward il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona Kostali fil-Mediterran għall-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar u tar-Reġjun Kostali tal-Mediterran (ĠU L 279, 23.10.2010, p. 1).

(9)  Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16).

(10)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59).

(11)  Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(12)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(13)  Deċiżjoni Nru 884/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE dwar il-linji gwida Komunitarji sabiex jiġi żviluppat network trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 1).

(14)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(15)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE tal-1 ta’ Settembru 2010 dwar kriterji u standards metodoloġiċi għal status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar (ĠU L 232, 2.9.2010, p. 14).

(16)  Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

(17)  Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet pjanip u programmi fuq l-ambjent (ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30).

(18)  Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).


ANNESS

AWTORITAJIET KOMPETENTI

(1)

L-isem u l-indirizz tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti — l-isem u l-indirizz uffiċjali tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti identifikati.

(2)

L-istatus ġuridiku tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti — deskrizzjoni qasira tal-istatus ġuridiku tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti.

(3)

Ir-responsabbiltajiet — deskrizzjoni qasira tar-responsabbiltajiet ġuridiċi u amministrattivi tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti u tar-rwol tiegħu/tagħhom fir-rigward tal-ilmijiet tal-ibħra kkonċernati.

(4)

Is-sħubija — meta l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti taġixxi/jaġixxu bħala korp ta’ koordinament għal awtoritajiet kompetenti oħrajn, tkun meħtieġa lista ta’ dawn tal-aħħar flimkien ma’ sommarju tar-relazzjonijiet istituzzjonali stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni.

(5)

Il-koordinazzjoni reġjonali — huwa meħtieġ sommarju tal-mekkaniżmi stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fejn l-ilmijiet tagħhom huma koperti minn din id-Direttiva u jaqgħu fi ħdan l-istess reġjun jew subreġjun tal-baħar.


28.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 257/146


DIRETTIVA 2014/90/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Lulju 2014

dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-dimensjoni globali tat-tbaħħir titlob li l-Unjoni tapplika u tagħti appoġġ għall-qafas regolatorju internazzjonali dwar is-sikurezza marittima. Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza marittima jeħtieġu li l-Istati tal-bandiera jiżguraw li t-tagħmir li jkun qed jinġarr abbord il-vapuri jkun konformi ma’ ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza fir-rigward tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni, u biex joħorġu ċ-ċertifikati rilevanti. Għal dak il-għan, ġew żviluppati standards dettaljati tal-prestazzjoni u tal-ittestjar għal ċerti tipi ta’ tagħmir tal-baħar mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u mill-korpi ta’ standardizzazzjoni internazzjonali u Ewropej.

(2)

L-istrumenti internazzjonali jħallu marġini sinifikanti ta’ diskrezzjoni għall-amministrazzjonijiet tal-bandiera. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, dan iwassal għal livelli ta’ sikurezza li jvarjaw għall-prodotti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu ċċertifikaw bħala konformi ma’ dawk il-konvenzjonijiet u standards; b’riżultat ta’ dan, il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jiġi affettwat minħabba li jsir diffiċli għall-Istati Membri biex jaċċettaw tagħmir iċċertifikat fi Stat Membru ieħor biex jiġi installat abbord vapuri li jtajru l-bnadar tagħhom mingħajr aktar verifiki.

(3)

L-armonizzazzjoni mill-Unjoni ssolvi dawn il-problemi. Għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (3) stabbilixxiet regoli komuni biex telimina d-differenzi fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali permezz ta’ sett ta’ rekwiżiti identifikati b’mod ċar u proċeduri uniformi ta’ ċertifikazzjoni.

(4)

Hemm diversi strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti u kondizzjonijiet, fost oħrajn sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern jew għal raġunijiet ambjentali, għal ċerti prodotti li huma simili fin-natura għal tagħmir li jintuża abbord il-vapuri, iżda li ma jilħqux l-istandards internazzjonali – li jistgħu jvarjaw sostanzjalment mil-leġislazzjoni interna tal-Unjoni u li huma f’evoluzzjoni kostanti. Għalhekk, dawk il-prodotti ma jistgħux jiġu ċċertifikati mill-Istati Membri. It-tagħmir li għandu jiġi installat abbord il-vapuri tal-UE f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza għandu għalhekk jiġi rregolat esklużivament minn din id-Direttiva, li għandha f’kull każ titqies bħala l-lex specialis; barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita marka speċifika li tindika li t-tagħmir li jkollu dik il-marka jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali rilevanti li jkunu daħlufis-seħħ.

(5)

Minbarra li jistabbilixxu standards ta’ prestazzjoni u ttestjar iddettaljati għat-tagħmir tal-baħar, l-istrumenti internazzjonali kultant jagħtu lok għal miżuri li jiddevjaw mir-rekwiżiti preskrittivi iżda li, taħt ċerti kondizzjonijiet, huma xierqa biex jissodisfaw l-intenzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti. Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, tippermetti li d-disinn u l-arranġamenti alternattivi jkunu jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri individwali li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.