ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 229

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
31 ta' Lulju 2014


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

1

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/511/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Lulju 2014 li taħtar membru Belġjan fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

12

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta' Lulju 2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

13

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 833/2014

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 269/2014 (2) jagħti effett lil ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2014/145/PESK (3). Dawk il-miżuri jinkludu l-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi u restrizzjonijiet fuq ċerti investimenti, bħala reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol.

(2)

Fit-22 ta' Lulju 2014, il-Kunsill ikkonkluda li jekk ir-Russja ma tweġibx għat-talbiet ifformulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2014 u l-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Lulju, huwa jkun lest biex mingħajr dewmien jintroduċi pakkett ta' miżuri restrittivi ulterjuri sinifikanti. Huwa għalhekk meqjus xieraq li jiġu applikati miżuri restrittivi addizzjonali bil-għan li jikber il-kost tal-azzjonijiet tar-Russja biex iddgħajjef l-integrità territorjali, s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u li titmexxa 'l quddiem soluzzjoni paċifika għall-kriżi. Dawn il-miżuri se jinżammu taħt osservazzjoni u jistgħu jiġu sospiżi jew irtirati, jew jiġu supplimentati minn miżuri oħra restrittivi, fid-dawl ta' żviluppi fuq il-post.

(3)

Huwa xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti u teknoloġija b'użu doppju, kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (4), u fuq il-forniment ta' servizzi relatati u li japplikaw restrizzjonijiet fuq ċerti servizzi relatati mal-forniment ta' armi u tagħmir militari, jekk isir embargo fuq dawn l-prodotti mill-Istati Membri. Din il-projbizzjoni ma għandhiex taffettwa l-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, inkluż għall-ajrunawtika u għall-industrija tal-ispazji, għal użu militari jew għal utent aħħari mhux militari.

(4)

Huwa wkoll xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' ċerti teknoloġiji għall-industrija taż-żejt fir-Russja fil-forma ta' rekwiżit ta' awtorizzazzjoni minn qabel.

(5)

Huwa wkoll xieraq li jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq tal-kapital għal ċerti istituzzjonijiet finanzjarji, esklużi l-istituzzjonijiet ibbażati fir-Russja bi status internazzjonali stabbiliti bi ftehimiet intergovernattivi mar-Russja bħala waħda mill-azzjonisti. Servizzi finanzjarji oħrajn bħal operazzjonijiet passivi, servizzi ta' ħlas u self lil jew minn istituzzjonijiet koperti b'dan ir-Regolament, għajr dawk imsemmijin fl-Artikolu 5, mhumiex koperti minn dan ir-Regolament.

(6)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

prodotti u teknoloġija b'użu doppju' tfisser l-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 428/2009;

(b)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti tal-internet elenkati fl-Anness I;

(c)

“assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista' jieħu forom bħal istruzzjoni, pariri, taħriġ, trasmissjoni ta' tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza; tinkludi forom verbali ta' assistenza;

(d)

“servizzi ta' senserija” tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew provvista ta' merkanzija u teknoloġija jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi dawk minn pajjiż terz lil kwalunkwe pajjiż terz ieħor; jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta' merkanzija u teknoloġija, jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, inklużi fejn jinsabu f'pajjiżi terzi għat-trasferiment tagħhom għal pajjiż terz ieħor;

(e)

“senserija” tfisser is-servizzi u l-attivitajiet li ġejjin:

(i)

it-teħid u t-trażmissjoni ta' ordnijiet b'rabta ma' strument finanzjarju wieħed jew iktar,

(ii)

it-twettiq tal-ordnijiet f'isem il-klijenti,

(iii)

in-negozju fl-isem stess ta' dak li jkun,

(iv)

il-ġestjoni ta' portafoll,

(v)

konsulenza dwar l-investiment,

(vi)

is-sottoskrizzjoni ta' strumenti finanzjarji u/jew it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji fuq bażi soda ta' impenn,

(vii)

it-tqegħid ta' strumenti finanzjarji mhux fuq bażi soda ta' impenn,

(viii)

kwalunkwe servizz relatat mal-ammissjoni għan-negozjar f'suq regolat jew il-kummerċ f'faċilità multilaterali tan-negozjar;

(f)

“titoli trasferibbli” tfisser dawk il-klassijiet ta' titoli li huma negozjabbli fis-suq tal-kapital, bl-eċċezzjoni tal-istrumenti tal-pagament, bħal:

(i)

ishma f'kumpaniji jew titoli oħra ekwivalenti għall-ishma f'kumpaniji, sħubijiet jew entitajiet oħra, u l-irċevuti depożitarji rigward l-ishma,

(ii)

il-kambjali jew għamliet oħra ta' dejn issekurizzat, inklużi l-irċevuti depożitarji rigward dawn it-titoli,

(iii)

kull titolu ieħor li jagħti d-dritt għax-xiri jew bejgħ ta' kwalunkwe tali titolu trasferibbli jew li jwassal għal saldu fi flus;

(g)

“strumenti tas-suq tal-flus” tfisser dawk il-klassijiet ta' strumenti li jiġu normalment ikkummerċjati fis-suq tal-flus, bħalma huma l-kambjali tat-teżor, iċ-ċertifikati tad-depożitu u studji kummerċjali u teskludi strumenti tal-pagament;

(h)

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser impriża li n-negozju tagħha jkun li tieħu depożiti jew fondi oħra ripagabbli mingħand il-pubbliku u li tagħti krediti f'isimha stess;

(i)

“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.   Huwa pprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk dawk il-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari.

Fejn l-utent aħħari huwa l-militar Russu, kwalunkwe prodott u teknoloġija b'użu doppju akkwistati minnu jitqiesu li jkunu għall-użu militari.

2.   Meta jiddeċiedu dwar talbiet għall-awtorizzazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009, l-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-utent aħħari jista' jkun utent aħħari militari jew li l-prodotti jista' jkollhom użu aħħari militari.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn l-esportazzjoni tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim konkluż qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

Artikolu 3

1.   Tkun meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' teknoloġiji kif elenkati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor, jekk tali tagħmir jew teknoloġija ikunu għall-użu fir-Russja.

2.   Għall-bejgħ, fornimenti, trasferimenti jew esportazzjonijiet kollha li jeħtieġu awtorizzazzjoni skont dan l-Artikolu, din l-awtorizzazzjoni tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur u tkun f'konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

3.   L-Anness II għandu jinkludi ċerti teknoloġiji adatti għall-industrija taż-żejt biex jintuża għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilma fond, għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew għal proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja.

4.   L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

5.   L-awtoritajiet kompetenti ma jagħtu awtorizzazzjoni għall-ebda bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' teknoloġija inkluża fl-Anness II, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-teknoloġija humiex għall-proġetti ta' esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilma fond, għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew għal proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, madankollu, jagħtu awtorizzazzjoni fejn l-esportazzjoni tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim konkluż qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

6.   Bil-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni li huma jkunu diġà taw.

7.   Meta awtorità kompetenti tiċħad li tagħti awtorizzazzjoni, jew tannulla, tissospendi, tillimita sostanzjalment jew tirrevoka awtorizzazzjoni f'konformità mal-paragrafu 5 jew 6, l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni dwar dan u jikkondividi l-informazzjoni relevanti magħhom, filwaqt li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità ta' din l-informazzjoni li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 (5).

8.   Qabel ma Stat Membri jagħti awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 5 għal tranżazzjoni li hija essenzjalment identika għal tranżazzjoni li hija s-soġġett ta' ċaħda li tkun għadha valida maħruġa minn Stat Membru ieħor jew minn Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 6 u 7, l-ewwel jikkonsulta lill-Istat jew Stati Membri li jkunu ħarġu ċ-ċaħda. Jekk, wara dawn il-konsultazzjonijiet, l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti l-awtorizzazzjoni, huwa jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b'dan, filwaqt li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha biex jispjega d-deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

il-forniment, b'mod dirett jew indirett, ta' għajnuna teknika relatata mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni (6), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' prodotti inklużi f'dik il-lista, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja;

(b)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni jew garanzija fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta' għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għal użu fir-Russja;

(c)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' tali prodotti jew teknoloġija, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk il-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari;

(d)

il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' prodotti u teknoloġija b'użu doppju, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta' għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew għall-użu fir-Russja, jekk l-prodotti huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fl-intier tagħhom jew parzjalment, għal użu militari jew għal utent aħħari militari.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jippreġudikawx l-eżekuzzjoni ta' obbligu li jirriżulta minn kuntratt jew ftehim konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014, u għall-għoti tal-għajnuna meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sigurtà tal-kapaċitajiet eżistenti fi ħdan l-Unjoni.

3.   Il-forniment ta' dawn li ġejjin huwa soġġett għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti kkonċernata:

(a)

assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-teknoloġija elenkati fl-Anness II, u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawk il-prodotti, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew, jekk din l-għajnuna tikkonċerna teknoloġija għall-użu fir-Russja, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f'xi pajjiż ieħor;

(b)

il-finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mat-teknoloġija msemmija fl-Anness II, inklużi b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni fuq il-kreditu għall-esportazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawk il-prodotti, jew għal kwalunkwe forniment ta' assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-Russja jew jekk tali assistenza tirrigwarda teknoloġija għall-użu fir-Russja, lil kull persuna, entità jew korp fi kwalunkwe pajjiż ieħor.

4.   Fejn l-awtorizzazzjonijiet huma mitluba skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 3, u b'mod partikolari l-paragrafi 2 u 5 tiegħu, għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 5

Huwa pprojbit li direttament jew indirettament isir xiri, bejgħ, proviżjoni ta' senserija jew għoti ta' assistenza fil-ħruġ ta', jew inkella jsir negozju b'titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus b'maturità itwal minn 90 jum, maħruġa wara 1 Awwissu 2014 maħruġa minn:

(a)

istituzzjoni ta' kreditu jew istituzzjoni oħra ewleniinli għandhom mandat espliċitu biex jippromwovu l-kompetittività tal-ekonomija tar-Russja, id-diversifikazzjoni tagħha u l-inkoraġġiment tal-investiment, stabbiliti fir-Russja b'aktar minn 50 % ta' proprjetà jew kontroll pubbliku sa minn 1 Awwissu 2014, kif elenkat fl-Anness III; jew

(b)

persuna ġuridika, entità jew korp stabbiliti barra mill-Unjoni b'iktar minn 50 % tas-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà ta' entità elenkata fl-Anness III; jew

(c)

persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem jew taħt it-tmexxija ta' entità msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew elenkata fl-Anness III.

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jaqsmu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni:

(a)

fir-rigward ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 3;

(b)

fir-rigward ta' ksur u ta' problemi li jirrigwardaw l-infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.   L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li jista' jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Anness I abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti jridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti msemmija f'dan ir-Regolament u jidentifikawhom fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness I. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe tibdil fl-indirizzi tas-siti tal-internet elenkati fl-Anness I.

2.   L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawk l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

3.   Fejn dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżit li l-Kummissjoni tkun notifikata, infurmata jew li ssir xi forma oħra ta' komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt għal tali komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness I.

Artikolu 10

Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi m'għandhomx iwasslu għal ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri li jinsabu f'dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.   L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

entitajiet imsemmija fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 5, jew elenkati fl-Anness III;

(b)

kwalunkwe persuna, entità jew korp Russu ieħor;

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

2.   Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex tingħata prova li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa' għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità li ma jintlaħqux l-obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2, 4 u 5, inkluż billi wieħed jaġixxi bħala sostitut għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 5, għandha tkun ipprojbita.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Unjoni;

(b)

abbord kwalunkwe inġenju tal-ajru jew kwalunkwe bastiment taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru;

(c)

għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadin ta' Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta' Stat Membru;

(e)

għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta' kull kummerċ imwettaq, kompletament jew parzjalment, fl-Unjoni.

Artikolu 14

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Ara l-paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 6.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta' prodotti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta' Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, p. 1).

(6)  L-aħħar verżjoni ppubblikata fil-ĠU C 107, 9.4.2014, p. 1.


ANNESS I

Websajtsgħal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea

1.

Informazzjoni dwar awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

ESTONJA

http://vm.ee/et/estonian-competent-authorities-implementation-eu-restrictive-measures

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://2010-2014.kormany.hu/download/b/3b/70000/ENSZBT-ET-szankcios-tajekoztato.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

2.

Indirizz biex tiġi nnotifikata l-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

Indirizz elettroniku: relex-sanctions@ec.europa.eu


ANNESS II

Lista ta' teknoloġiji msemmijiafl-Artikolu 3

Kodiċi CN

Deskrizzjoni

7304 11 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-istainless steel

7304 19 10

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra mhux aktar minn 168.3 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 19 30

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 168.3 mm, iżda mhux aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 19 90

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 22 00

Virga ta' perforazzjoni, biċċa waħda, tal-istainless steel, ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass

7304 23 00

Virga ta' perforazzjoni, biċċa waħda, ta' tip użat fit-tħaffir għaż-żejt jew għall-gass, tal-ħadid jew tal-azzar (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

7304 29 10

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra mhux aktar minn 168.3 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7304 29 30

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 168.3 mm, iżda mhux aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7304 29 90

Kejsing u tubi ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, biċċa waħda, tal-ħadid jew tal-azzar, ta' dijametru ta' barra aktar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-ħadid fondut)

7305 11 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u, dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, tal-ħadid jew tal-azzar, iwweldjati bl-ark mgħaddas mit-tul

7305 12 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, tal-ħadid jew tal-azzar, iwweldjati bl-ark mit-tul (ħlief prodotti iwweldjati bl-ark mgħaddas mit-tul)

7305 19 00

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u bid-dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar (ħlief prodotti iwweldjati bl-ark mit-tul)

7305 20 00

Kejsing ta' tip użat fit-tħaffir għal żejt jew gass, b'uċuħ ta' qatgħa tondi u dijametru ta' barra ikbar minn 406.4 mm, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar

7306 11

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, iwweldjat, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm

7306 19

Pajp tal-linja ta' tip użat għal linji tal-pajpijiet għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel u tal-ħadid fondut)

7306 21 00

Kejsing u tubi ta' tip użati fit-tħaffir għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm

7306 29 00

Kejsing u tubi ta' tip użati fit-tħaffir għal żejt jew gass, iwweldjati, ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-istainless steel, bid-dijametru ta' barra mhux ikbar minn 406.4 mm (ħlief prodotti tal-istainless steel jew tal-ħadid fondut)

8207 13 00

Għodod għal tħaffir ta' blat jew toqob fl-art, interkambjabbli, bil-partijiet tax-xogħol ta' karburi jew ċermiti tal-metall sinterizzati

8207 19 10

Għodod għal tħaffir ta' blat jew toqob fl-art, interkambjabbli, bil-parti tax-xogħol tad-djamant jew djamant agglomerat

8413 50

Pompi b'moviment alternat bi spostament pożittiv għal-likwidi, imħaddma bl-elettriku (ħlief dawk tas-sottointestaturi 8413 11 u 8413 19 , pompi għal materjali karburanti, lubrikanti jew ta' tkessiħ għal magni bil-pistuni b'kombustjoni interna u pompi għal konkos)

8413 60

Pompi rotatorji bi spostament pożittiv għal-likwidi, imħaddma bl-elettriku (minbarra dawk tas-sottointestaturi 8413 11 u 8413 19 u pompi għal materjali karburanti, lubrikanti jew ta' tkessiħ għal magni bil-pistuni b'kombustjoni interna)

8413 82 00

Magni għall-irfigħ tal-likwidi (ħlief pompi)

8413 92 00

Partijiet ta' magni għall-irfigħ tal-likwidi, mhux speċifikati xi mkien ieħor

8430 49 00

Makkinarju għal tħaffir jew tħaffir ta' xaftijiet żgħar fil-minjieri għat-tħaffir tal-art jew l-estrazzjoni ta' minerali jew metalli mhux maħduma, li mhux immexxi minnu nnifsu u mhux idrawliku (ħlief makkinarju li jħaffer il-mini u għodda mħaddma bl-idejn)

ex 8431 39 00

Bċejjeċ tal-makkinarju tal-intestatura 8428 mhux speċifikati xi mkien ieħor

ex 8431 43 00

Bċejjeċ għal makkinarju għal tħaffir jew tħaffir ta' xaftijiet żgħar fil-minjieri tas-subintestatura 8430 41 jew 8430 49 mhux speċifikati xi mkien ieħor

ex 8431 49

Bċejjeċ tal-makkinarju tal-intestaturi 8426 , 8429 u 8430 mhux speċifikati xi mkien ieħor

8705 20 00

Deriks mobbli għat-tħaffir

8905 20 00

Pjattaformi ta' tħaffir jew ta' produzzjoni li jżommu f'wiċċ l-ilma jew li jinżlu taħt l-ilma

8905 90 10

Bastimenti ħfief, fire-floats, krejnijiet li jżommu f'wiċċ l-ilma u bastimenti oħrajn, li l-kundizzjoni ta' tbaħħir tagħhom hija sussidjarja għall-funzjoni prinċipali tagħhom; (ħlief deġers, pjattaformi ta' tħaffir jew ta' produzzjoni li jżommu f'wiċċ l-ilma jew li jinżlu taħt l-ilma; bastimenti tas-sajd u tal-gwerra)


ANNESS III

Lista tal-istituzzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(a)

1.

SBERBANK

2.

VTB BANK

3.

GAZPROMBANK

4.

VNESHECONOMBANK (VEB)

5.

ROSSELKHOZBANK


DEĊIŻJONIJIET

31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/12


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-30 ta' Lulju 2014

li taħtar membru Belġjan fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2014/511/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 302 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-GvernBelġjan,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Settembru 2010 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/570/UE, Euratom li taħtar il-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-perijodu mill-21 ta' Settembru 2010 sal-20 ta' Settembru 2015 (1).

(2)

Konsegwentement għal tmiem il-mandat tas-Sur Claude ROLIN, sar vakanti siġġu ta' membrufil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Huwa b'dan maħtur membru s-Sur Raymond COUMONT fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-bqija tal-mandat attwali, jiġifieri sal-20 ta' Settembru 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 251, 25.9.2010, p. 8.


31.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 229/13


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/512/PESK

tal-31 ta' Lulju 2014

dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Marzu 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea kkundannaw bil-qawwa l-ksur mhux provokat tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina mill-Federazzjoni Russa u appellaw lill-Federazzjoni Russa biex tirtira immedjatament il-forzi armati tagħha fiż-żoni tal-istazzjonar permanenti tagħhom, f'konformità mal-ftehimiet rilevanti. Huma sostnew li kwalunkwe pass ulterjuri mill-Federazzjoni Russa biex tiddestabbilizza s-sitwazzjoni fl-Ukraina jwassal għal aktar konsegwenzi estensivi fir-relazzjonijiet f'firxa wiesgħa ta' oqsma ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra.

(2)

Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (1), li bihom il-Kunsill impona restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u miżuri dwar l-iffriżar tal-assi.

(3)

Fil-21 ta' Marzu 2014, il-Kunsill Ewropew fakkar id-dikjarazzjoni tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tas-6 ta' Marzu 2014, u talab lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħejju miżuri mmirati possibbli.

(4)

Fis-27 ta' Mejju, is-27 ta' Ġunju u s-16 ta' Lulju 2014, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Unjoni Ewropea nnotaw li kienet għaddejja l-ħidma preparatorja mill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri dwar miżuri mmirati possibbli sabiex setgħu jittieħdu passi ulterjuri mingħajr dewmien.

(5)

Fit-22 ta' Lulju, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex attivament tuża l-influwenza tagħha fuq il-gruppi armati illegalment sabiex jinkisbu aċċess sħiħ, immedjat, mingħajr periklu u fis-sigurtà għas-sit tat-twaqqigħ tat-Titjira MH 17 tal-Malaysian Airlines f'Donetsk, kooperazzjoni sħiħa mal-ħidma għall-irkupru tal-fdalijiet u l-ħwejjeġ li jappartjenu lill-vittmi u kooperazzjoni sħiħa mal-investigazzjoni indipendenti, inkluż aċċess bla xkiel għas-sit sakemm ikun meħtieġ għall-investigazzjoni u għall-investigazzjonijiet possibbli ta' segwitu.

(6)

Il-Kunsill ħeġġeġ ukoll lir-Russja biex twaqqaf il-fluss li qed jiżdied ta' armi, tagħmir u militanti minn fuq il-fruntiera sabiex jinkisbu riżultati rapidi u tanġibbli għat-tnaqqis fit-tensjoni. Il-Kunsill kompla jħeġġeġ lir-Russja biex tirtira t-truppi addizzjonali tagħha miż-żona tal-fruntiera.

(7)

Barra minn hekk, il-Kunsill fakkar fl-impenji preċedenti mill-Kunsill Ewropew u qal li jinsab lest biex jintroduċi mingħajr dewmien pakkett ta' miżuri restrittivi sinifikanti ulterjuri, jekk ma timmaterjalizzax il-kooperazzjoni sħiħa u minnufih mir-Russja dwar it-talbiet imsemmijin hawn fuq. Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jiffinalizzaw il-ħidma preparatorja tagħhom dwar il-miżuri mmirati possibbli u biex sal-24 ta' Lulju jippreżentaw proposti biex tittieħed azzjoni, inkluż dwar l-aċċess għas-swieq tal-kapital, id-difiża, prodotti b'użu doppju, u teknoloġiji sensittivi, inkluż is-settur tal-enerġija.

(8)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill jikkunsidra adatt il-fatt li għandhom jittieħdu miżuri restrittivi b'reazzjoni għall-azzjonijiet tar-Russja li qed jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukraina.

(9)

F'dan il-kuntest, huwa adatt li jiġu pprojbiti t-transazzjonijiet fi jew il-provvista ta' servizzi ta' finanzjament jew ta' investiment jew in-negozjar ta' bonds ġodda jew ta' strumenti finanzjarji ta' ekwità jew simili b'maturità li taqbeż id-90 jum maħruġin minn istituzzjonijiet finanzjarji li jappartjenu lill-istat Russu, bl-eċċezzjoni tal-istituzzjonijiet ta' status internazzjonali bbażati fir-Russja stabbiliti bi ftehimiet intergovernattivi bir-Russja bħala waħda mill-partijiet ikkonċernati. Dawn il-projbizzjonijiet ma jaffettwawx l-għoti ta' self lil dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji Russi li jappartjenu lill-istat indipendentement mill-maturità tagħhom.

(10)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip lejn ir-Russja. L-akkwist mir-Russja ta' armi u materjal relatat ieħor ta' kull tip għandhom ukoll jkunu pprojbiti.

(11)

Barra minn hekk, il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodott b'użu doppju għall-użu militari jew għall-utenti finali militari fir-Russja għandhom jiġu pprojbiti. Din il-projbizzjoni ma għandhiex taffettwa l-esportazzjoni ta' prodotti u teknoloġija għal użu doppju, inkluż għall-ajrunawtika u għall-industria tal-ispazju, kemm għal użu mhux militari u/jew għal utenti aħħarin mhux militari.

(12)

Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' ċerti prodott u teknoloġiji sensittivi għandhom ikunu pprojbiti meta huma jkunu destinati għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt Artiku jew il-proġetti taż-żejt tax-shale.

(13)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-bejgħ dirett jew indirett jew ix-xiri, is-senserija jew l-assistenza fil-ħruġ ta', jew kwalunkwe negozju ieħor ta' bonds, ekwità jew strumenti finanzjarji simili b'maturità itwal minn 90 jum, maħruġa wara 1 Awwissu 2014, minn:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu jew istituzzjonijiet tal-iżvilupp finanzjarju ewlenin stabbiliti fir-Russja b'aktar minn 50 % sjieda pubblika jew kontroll pubbliku minn mill-1 ta' Awwissu 2014, kif elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku stabbiliti barra l-Unjoni b'50 % tas-sjieda jew aktar ta' entità elenkata fl-Anness; jew

(c)

kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp li jaġixxi f'isem jew fuq ordni ta' entità msemmija fil-punt (b) jew elenkata fl-Anness;

għandhom ikunu pprojbiti.

Artikolu 2

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni dirett jew indirett ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, lir-Russja minn ċittadini ta' Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta' Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti jew ajruplani tal-bandiera tagħhom huma pprojbiti kemm jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jkun projbit:

(a)

li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għalihom, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

(b)

li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni jew garanzija tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-armamenti u ta' materjal relatat, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

3.   L-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasport tal-armamenti u materjal relatat ta' kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-partijiet ta' rikambju għalihom, mir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti.

4.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014, u għall-forniment ta' partijiet ta' rikambju u servizzi meħtieġa għall-manutenzjoni u s-sikurezza ta' kapaċitajiet eżistenti fl-Unjoni.

Artikolu 3

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' prodotti u t-teknoloġija kollha b'użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' prodotti b'użu doppju (2) għall-użu militari fir-Russja jew għal kwalunkwe utent finali militari fir-Russja minn ċittadini tal-Istati Membri jew li jużaw bastimenti jew ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandu jkun projbit irrispettivament minn jekk joriġinawx fit-territorji tagħhom jew le.

2.   Għandu jkun ipprojbit:

(a)

li jingħataw għajnuna teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-prodotti jew it-teknoloġija stabbiliti fil-paragrafu 1 u l-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn il-prodotti u t-teknoloġija, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja;

(b)

li jingħataw finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-prodotti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu fuq l-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn il-prodotti jew it-teknoloġija, jew għall-għoti ta' għajnuna teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra, b'mod dirett jew indirett lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fir-Russja.

3.   Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti jew ftehimiet konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

Artikolu 4

1.   Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni diretti jew indiretti ta' ċerti teknoloġiji adatti għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja, minn ċittadini tal-Istati Membri, jew mit-territorji tal-Istati Membri, jew li jużaw il-bastimenti jew l-ajruplani taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri, għandhom ikunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-prodotti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.   L-għoti ta':

(a)

għajnuna teknika jew servizzi oħra relatati mat-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

finanzjament jew għajnuna finanzjarja għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat- teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew għall-għoti ta' assistenza teknika jew taħriġ tekniku relatati

għandu wkoll ikun soġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li qed jesporta.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma għandhom jagħtu l-ebda awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tat- teknoloġija jew il-provvista tas-servizzi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jekk huma jiddeterminaw li l-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni kkonċernata jew il-provvista tas-servizz ikkonċernat ikunu destinati għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-ilmijiet fondi, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt fl-Artiku jew proġetti taż-żejt tax-shale fir-Russja.

4.   Il-paragrafu 3 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel mill-1 ta' Awwissu 2014.

Artikolu 5

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-miżuri msemmija f'din id-Deċiżjoni, l-Unjoni għandha tħeġġeġ lil Stati terzi biex jadottaw miżuri restrittivi simili għal dawk previsti hawnhekk.

Artikolu 6

Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhomx iwasslu għal responsabbiltà ta' ebda xorta min-naħa tagħhom, jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

1.   L-ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' kwalunkwe kuntratt jew transazzjoni fejn il-prestazzjoni ta' dawn ġiet affettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont din id-Deċiżjoni, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

entitajiet imsemmija fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 1 jew elenkati fl-Anness;

(b)

kwalunkwe persuna, entità jew korp ieħor Russu; jew

(c)

kwalunkwe persuna, entità jew korp li jaġixxi permezz ta' jew f'isem waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi msemmija fil-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.

2.   Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun pruvat li mhux ipprojbit mill-paragrafu 1 li l-pretensjoni tintlaqa' għandu jkun fuq il-persuna li tkun qed tfittex l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konsapevoli jew intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa li jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 sa 4, inkluż billi wieħed jaġixxi bħala sostitut għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1.

Artikolu 9

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Lulju 2015.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Hija għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

3.   Il-miżuri restrittivi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni għandhom jiġu riveduti sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2014, b'mod partikolari wara li jitqies l-effett tagħhom u l-miżuri adottati minn Stati terzi.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16.

(2)  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.


ANNESS

LISTA TAL-ISTITUZZJONIJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 1(a)

1.

SBERBANK

2.

VTB BANK

3.

GAZPROMBANK

4.

VNESHECONOMBANK (VEB)

5.

ROSSELKHOZBANK