ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 225

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
30 ta' Lulju 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010

1

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 182, 29.6.2013 )

91

 

*

Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 16 April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina ( ĠU L 118, 22.4.2014 )

92

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

30.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/1


REGOLAMENT (UE) Nru 806/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Lulju 2014

li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Tul l-aħħar deċennji, l-Unjoni għamlet progress fil-ħolqien ta' suq intern għas-servizzi bankarji. Suq intern integrat aħjar għas-servizzi bankarji sabiex fl-Unjoni jitrawwem it-tkabbir ekonomiku u jiġu promossi finanzjamenti adegwati tal-ekonomija reali. Madankollu, il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet li l-funzjonament tas-suq intern f'dan il-qasam huwa mhedded u li hemm riskju li dejjem qed jiżdied ta' frammentazzjoni finanzjarja. Dan huwa tassew għajn ta' tħassib f'suq intern li fih il-banek imisshom ikunu jistgħu jiżvolġu attivitajiet transkonfinali sinifikanti. Is-swieq interbankarji saru inqas likwidi u l-attivitajiet bankarji transkonfinali qegħdin jonqsu minħabba l-biża' ta' kontaġju, in-nuqqas ta' fiduċja f'sistemi bankarji nazzjonali oħra u fl-abbiltà tal-Istati Membri li jappoġġaw il-banek.

(2)

Id-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni fl-Istati Membri differenti u l-prattiki amministrattivi li jikkorrispondu u n-nuqqas ta' proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet unifikat għar-riżoluzzjoni fl-unjoni bankarja jikkontribwixxu għal dak in-nuqqas ta' fiduċja fis-sistemi bankarji nazzjonali l-oħra u l-instabbiltà tas-suq, minħabba li ma jiżgurawx prevedibbiltà dwar l-eżitu possibbli ta' falliment ta' bank.

(3)

B'mod partikolari, l-inċentivi u l-prattiki differenti tal-Istati Membri fit-trattament tal-kredituri tal-banek taħt riżoluzzjoni u fir-rikapitaliżżazzjoni tal-banek f'diffikultà bi flus il-kontribwenti għandhom impatt fuq il-perċezzjoni tar-riskju tal-kreditu, is-sodezza finanzjarja u s-solvenza tal-banek tagħhom u b'hekk jinħolqu kondizzjonijiet ta' disparità. Dan jimmina l-fiduċja pubblika fis-settur bankarju u jostakola l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment u l-provvediment liberu ta' servizzi fis-suq intern minħabba li l-kostijiet ta' finanzjament ikunu aktar baxxi mingħajr tali differenzi fil-prattiki tal-Istati Membri.

(4)

Id-diverġenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar ir-riżoluzzjoni fl-Istati Membri differenti u l-prattiki amministrattivi li jikkorrispondu jistgħu jwasslu lill-banek u lill-klijenti li jkollhom kostijiet ogħla tas-self sempliċiment minħabba l-post tal-istabbiliment tagħhom u irrispettivament mill-affidabbiltà kreditizja reali tagħhom. Barra minn hekk, il-klijenti tal-banek f'ċerti Stati Membri qegħdin jaffaċċaw rati tas-self ogħla minn dawk li jħallsu l-klijenti tal-banek fi Stati Membri oħra, irrispettivament mill-affidabbiltà kreditizja tagħhom.

(5)

Il-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2012 ikkonkluda li “Fid-dawl tal-isfidi fundamentali li qiegħda tiffaċċja, jeħtieġ li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tissaħħaħ biex jiġi żgurat il-ġid ekonomiku u soċjali kif ukoll l-istabbiltà u l-prosperità sostnuta” u li “Il-proċess lejn unjoni ekonomika u monetarja aktar profonda għandu jibni fuq il-qafas istituzzjonali u legali tal-Unjoni u għandu jkun karatterizzat minn attitudni miftuħa u trasparenti lejn Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro u minn rispett għall-integrità tas-suq intern”. Għal dak il-għan hija kkostitwita unjoni bankarja, mirfuda minn ġabra unika ta' regoli komprensiva u dettaljata għas-servizzi finanzjarji għas-suq intern fit-totalità tiegħu. Il-proċess lejn il-kostituzzjoni ta' unjoni bankarja huwa kkaratterizzat minn attitudni miftuħa u trasparenti fil-konfront tal-Istati Membri mhux parteċipanti u mir-rispett tal-integrità tas-suq intern.

(6)

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2010 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-Immaniġġjar Transkonfinali tal-Kriżijiet fis-Settur Bankarju talab lill-Kummissjoni tippreżenta “fuq il-bażi tal-Artikoli 50 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, proposta leġislattiva waħda jew aktar dwar qafas tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet, fond tal-UE ta' stabilità finanzjarja, u unità ta' riżoluzzjoni” u, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina”, afferma li “huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-UEM li jinkiser iċ-ċirku vizzjuż negattiv bejn l-emittenti sovrani, il-banek u l-ekonomija reali”, enfasizza li l-“bżonn urġenti ta' miżuri addizzjonali ta' portata wiesgħa sabiex il-kriżi fis-settur bankarju tiġi solvuta” u għall-“ksib ta' unjoni bankarja Ewropea totalment operattiva” filwaqt li jiżgura “l-funzjonament korrett kontinwu tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji u l-moviment liberu tal-kapital”.

(7)

Bħala l-ewwel pass lejn unjoni bankarja, il-mekkaniżmu superviżorju uniku stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (4) (SSM, “single supervisory mechanism”) għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu tiġi implimentata b'mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta' regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata b'mod ugwali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-Istati Membri fiż-żona tal-euro u dawk l-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro li jagħżlu li jipparteċipaw fl-SSM (l-Istati Membri parteċipanti), u li dawk l-istituzzjonijiet ta' kreditu jkunu soġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità.

(8)

Il-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni aktar effiċjenti huma strument essenzjali biex jiġu evitati d-danni riżultanti mill-fallimenti tal-banek fl-imgħoddi.

(9)

Sakemm ir-regoli, il-prattiki u l-approċċi tar-riżoluzzjoni għall-kondiviżjoni tal-piż jibqgħu nazzjonali u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-iffinanzjar tar-riżoluzzjoni jinġabru u jintefqu fil-livell nazzjonali, is-suq intern jibqa' frammentat. Barra minn hekk, is-superviżuri nazzjonali għandhom inċentivi qawwija biex inaqqsu kemm jista' jkun l-impatt potenzjali tal-kriżijiet bankarji fuq l-ekonomiji nazzjonali tagħhom billi jadottaw azzjoni unilaterali li tiddelimita l-operazzjonijiet bankarji, pereżempju bil-limitazzjoni tat-trasferimenti u s-self bejn il-gruppi, jew billi jiġu imposti aktar rekwiżiti ta' likwidità u kapital fuq is-sussidjarji fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom ta' impriżi prinċipjali li potenzjalment ikunu qed ifallu. Dan jirrestrinġi l-attivitajiet transkonfinali tal- banek u b'hekk joħloq ostakli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali u jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-kwistjonijiet kontenzjużi bejn l-Istat tad-domiċilju u dak ospitanti, għalkemm trattati fil-kuntest tal-SSM u tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), xorta jistgħu jnaqqsu l-effiċjenza fil-proċessi ta' riżoluzzjoni transkonfinali.

(10)

Sabiex ikunu ttrattati dawk il-kwistjonijiet, kien neċessarju li tiġi intensifikata l-integrazzjoni tal-qafas ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu (“istituzzjonijiet”) u għad-ditti tal-investiment biex l-Unjoni tiġi sostnuta, tinġieb lura l-istabilità finanzjarja u titwitta t-triq għall-irkupru ekonomiku.Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija pass sinifikanti lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni kollha u tipprevedi għal kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni meta jiġi indirizzat il-falliment tal-banek transkonfinali. Madankollu, dik id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi ta' armonizzazzjoni u ma twassalx għaċ-ċentralizzazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tar-riżoluzzjoni. Essenzjalment hi tipprevedi għodda komuni ta' riżoluzzjoni u setgħat ta' riżoluzzjoni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta' kull Stat Membru imma tħalli diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali fl-applikazzjoni tal-għodda u fl-użu tal-arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament b'appoġġ tal-proċeduri ta' riżoluzzjoni. Dan jiggarantixxi li l-awtoritajiet ikollhom l-għodda biex jintervjenu b'mod bikri u malajr biżżejjed fir-rigward ta' istituzzjoni mhux soda jew li qed tfalli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi kritiċi tal-istituzzjoni filwaqt li jiġi minimizzat l-impatt tal-falliment ta' istituzzjoni fuq is-sistema ekonomika u finanzjarja.

Għalkemm tagħti kompiti regolatorji u ta' medjazzjoni lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (“ABE”), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva 2014/59/UE ma tevitax kompletament li l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet separati u potenzjalment inkonsistenti fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta' gruppi transkonfinali li jistgħu jaffettwaw il-kostijiet kumplessivi tar-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, peress li tipprevedi arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament, din ma tnaqqasx biżżejjed id-dipendenza tal-banek fuq l-appoġġ mill-baġits nazzjonali u ma tipprevjenix kompletament approċċi differenti mill-Istati Membri fl-użu tal-arranġamenti ta' finanzjament.

(11)

Għall-Istati Membri parteċipanti, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM, “single resolution mechanism”), hija stabbilita u fdata lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni stabbilit skont dan ir-Regolament (“il-Bord”) u lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni setgħa ċentralizzata ta' riżoluzzjoni. Dak l-istabbiliment jifforma parti integrali mill-proċess ta' armonizzazzjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni operat mid-Direttiva 2014/59/UE u mis-sensiela ta' dispożizzjonijiet uniformi dwar ir-riżoluzzjoni stipulati f'dan ir-Regolament. Se tissaħħaħ l-applikazzjoni uniformi tar-reġim ta' riżoluzzjoni fl-Istati Membri parteċipanti bħala konsegwenza tal-fatt li hija fdata lil awtorità ċentrali bħall-SRM. Barra minn hekk, l-SRM hu minsuġ mal-proċess ta' armonizzazzjoni fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali, permezz tal-istabbiliment tal-ABE, il-ġabra unika tar-regoli dwar is-superviżjoni prudenzjali (Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8)), kif ukoll, fl-Istati Membri parteċipanti, l-istabbiliment tal-SSM li lilu hija fdata l-applikazzjoni tar-regoli tas-superviżjoni prudenzjali tal-Unjoni. Is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni huma żewġ aspetti komplementari tal-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji li l-applikazzjoni tagħhom fl-istess livell titqies bħala reċiprokament dipendenti.

(12)

L-iżgurar ta' deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta' finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista' jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta' finanzjament fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni ubiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta' assi barranin. Fin-nuqqas tal-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-SSM jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b'saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tal-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma' banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f'dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta' Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.

(13)

Biex jinkisbu lura l-fiduċja u l-kredibilità fis-settur bankarju, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħalissa qed iwettaq valutazzjoni komprensiva tal-karti tal-bilanċ tal-banek kollha sorveljati direttament. Tali valutazzjoni għandha tassigura lill-partijiet interessati kollha li l-banek li jidħlu fl-SSM, u li għaldaqstant jidħlu fl-ambitu tal-SRM, huma fundamentalment sodi u affidabbli.

(14)

Wara l-istabbiliment tal-SSM bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 skont liema banek fl-Istati Membri parteċipanti huma taħt superviżjoni jew b'mod ċentrali mill- BĊE jew inkella mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qafas tal-SSM, hemm allinjament ħażin bejn is-superviżjoni tal-Unjoni tat-tali banek u t-trattament nazzjonali ta' dawk il-banek fil-proċeduri tar-riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE, fatt li se jkun ittrattat mill-istabbiliment tal-SRM.

(15)

Dan ir-Regolament japplika biss fir-rigward ta' dawk il-banek li s-superviżur ta' domiċilju tagħhom huwa l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti fi Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro li ħolqu kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament huwa marbut mal-kamp ta' applikazzjoni tar- Regolament (UE) Nru 1024/2013. Fid-dawl tal-livell sinifikanti li huma minsuġa bih il-kompiti superviżorji attribwiti lill-SSM u l-azzjoni ta' riżoluzzjoni, l-istabbiliment ta' sistema ċentralizzata ta' superviżjoni attivata skont l-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) huwa ta' importanza fundamentali fil-proċess ta' armonizzazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti. Il-fatt li jkunu soġġetti għas-superviżjoni tal-SSM huwa attribut speċifiku li jpoġġi lill-entitajiet li jidħlu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 f'pożizzjoni oġġettivament diversa u identifikabbli għall-finijiet tar-riżoluzzjoni. Huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri biex jinħoloq SRM għall-Istati Membri kollha parteċipanti fl-SSM sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq u stabbli tas-suq intern.

(16)

Filwaqt li l-banek fl-Istati Membri li jibqgħu barra mill-SSM huma soġġetti għal arranġamenti ta' superviżjoni, riżoluzzjoni u salvagwardja finanzjarja li huma allinjati fil-livell nazzjonali, il-banek fl-Istati Membri parteċipanti fl-SSM tal-Unjoni huma soġġetti għal arranġamenti tal-Unjoni għas-superviżjoni u arranġamenti nazzjonali għar-riżoluzzjoni u s-salvagwardji finanzjarji. Peress li s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni qegħdin fuq żewġ livelli differenti mal-SSM, l-intervent u r-riżoluzzjoni fil-banek fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-SSM ma jkunux rapidi, konsistenti u effettivi daqs fil-banek fl-Istati Membri barra mill-SSM. Għalhekk, mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ċentralizzat għall-banek kollha li joperaw fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-SSM huwa essenzjali biex jiġu ggarantiti kondizzjonijiet ekwivalenti.

(17)

Sakemm is-superviżjoni fi Stat Membru tibqa' barra mill-SSM, dak l-Istat Membru għandu jibqa' responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji ta' falliment ta' bank. L-SRM għalhekk għandu jkun estiż biss għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fl-SSM u soġġetti għas-superviżjoni tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qafas tal-SSM. Il-banek stabbiliti fl-Istati Membri mhux parteċipanti fl-SSM ma għandhomx ikunu soġġetti għall-SRM. L-issoġġettar ta' tali Stati Membri għall-SRM joħloq l-inċentivi żbaljati għalihom. B'mod partikolari, is-superviżuri f'dawn l-Istati Membri jistgħu jsiru aktar klementi lejn il-banek fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom peress li ma jkollhomx iġorru r-riskju finanzjarju sħiħ tal-fallimenti tagħhom. Għalhekk, biex ikun żgurat paralleliżmu mal-SSM, l-SRM għandu japplika għall-Istati Membri parteċipanti fl-SSM. Meta l-Istati Membri jingħaqdu mal-SSM, dawn għandhom awtomatikament isiru soġġetti għall-SRM wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, l-SRM jista' potenzjalment jiġi estiż għas-suq intern kollu kemm hu.

(18)

Biex jiġu garantiti kondizzjonijiet ekwivalenti fis-suq intern kollu, dan ir-Regolament huwa konsistenti mad-Direttiva 2014/59/UE. Huwa għalhekk jadatta r-regoli u l-prinċipji ta' dik id-Direttiva għall-ispeċifiċitajiet tal-SRM u jassigura li dan tal-aħħar ikollu riżorsi finanzjarji adegwati. Meta l-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni jeżerċitaw is-setgħat konferiti minn dan ir-Regolament, għandhom ikunu soġġetti għall-atti delegati u għall-istandards tekniċi regolatorju u ta' implimentazzjoni kif ukoll għal-linji gwida u għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ABE rispettivament abbażi tal-Artikolu 10 sa 15 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fl-ambitu tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fil-kapaċitajiet rispettivi tagħhom, għandhom ukoll jikkooperaw mal-ABE konformement mal-Artikoli 25 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u jirrispondu għat-talbiet għal ġbir ta' informazzjoni indirizzati lilhom mill-ABE skont it-termini tal-Artikolu 35 ta' dak ir-Regolament. Jitfakkar li, kif indikat mill-aħħar sentenza tal-premessa 32 ta' dak ir- Regolament, “F'każijiet fejn il-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni tagħti diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti […], id-deċiżjonijiet meħudin mill-Awtorità ma jistgħux jissostitwixxu l-eżerċizzju f'konformità mal-liġi tal-Unjoni ta' dik id-diskrezzjoni.” L-istess prinċipju għandu japplika għal dan ir-Regolament, fir-rispett sħiħ tal-prinċipji minquxa fil-liġi primarja tal-Unjoni. Fid-dawl ta' dawk l-elementi ewlenin, l-ABE għandha tkun tista' tiżvolġi l-kompiti tagħha b'mod effikaċi u tiggarantixxi trattament ugwali bejn il-Bord, il-Kunsill, il-Kummissjoni, u l-awtoritajiet nazzjonali fit-twettiq ta' kompiti simili.

(19)

Fond uniku għar-riżoluzzjoni (Fond) huwa element essenzjali li mingħajru l-SRM ma jistax jaħdem kif suppost. Jekk il-finanzjament ta' riżoluzzjoni kellu jibqa' nazzjonali fit-terminu twil, ir-rabta bejn l-emittenti sovrani u s-settur bankarju ma tinkisirx totalment, u l-investituri jkomplu jistabbilixxu kondizzjonijiet ta' self skont il-post ta' stabbiliment tal-banek aktar milli skont l-affidabbiltà kreditizja tagħhom. Il-Fond għandu jgħin sabiex tiġi żgurata prattika amministrattiva uniformi fil-finanzjament tar-riżoluzzjoni u jiġi evitat il-ħolqien ta' ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern minħabba prattiki nazzjonali. Il-Fond għandu jkun iffinanzjat mill-kontribuzzjonjiet tal-banek miġbura fil-livell nazzjonali u għandu jinġabar fil-livell tal-Unjoni skont ftehim intergovernamentali dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni progressiva ta' tali kontribuzzjonijiet (il-Ftehim), b'hekk tiżdied l-istabbiltà finanzjarja u tiġi limitata r-rabta bejn il-perċezzjoni tal-pożizzjoni fiskali tal-Istati Membri individwali u l-kostijiet tal-iffinanzjar tal-banek u l-intrapriżi li joperaw f'dawk l-Istati Membri. Biex din ir-rabta tkompli tinkiser, id-deċiżjonijiet meħuda fi ħdan l-SRM m'għandhomx jinterferixxu mar-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri. F'dak ir-rigward, hija biss l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja li għandha titqies bħala interferenza mas-sovranità baġitarja u mar-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri. B'mod partikolari, id-deċiżjonijiet li jeħtieġu l-użu tal-Fond jew tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti ma għandhomx jitqiesu bħala interferenza mas-sovranità baġitarja jew mar-responsabbiltajiet fiskali tal-Istati Membri.

(20)

Dan ir-Regolament flimkien mad-Direttiva 2014/59/UE, jistabbilixxu l-modalitajiet għall-użu tal-Fond u l-kriterji ġenerali għad-determinazzjoni tal-iffissar u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante u ex post. L-Istati Membri parteċipanti jibqgħu kompetenti biex jimponu l-kontribuzzjonijiet mill-entitajiet li jinsabu fit-territorji rispettivi tagħhom skont id-Direttiva 2014/59/UE u dan ir-Regolament. Permezz tal-Ftehim l-Istati Membri parteċipanti se jassumu l-obbligu li jittrasferixxu lill-Fond il-kontribuzzjonijiet li jiġbru fil-livell nazzjonali skont id-Direttiva 2014/59/UE u dan ir-Regolament. Matul il-perijodu ta' tranżizzjoni l-kontribuzzjonijiet se jkunu allokati lill-kompartimenti differenti korrispondenti għal kull Stat Membru parteċipanti (kompartimenti nazzjonali). Dawk il-kompartimenti se jkunu soġġetti għal fużjoni progressiva biex l-eżistenza tagħhom tintemm fi tmiem il-perijodu ta' tranżizzjoni. Il-Ftehim se jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom il-partijiet jilħqu qbil għat-trasferiment lill-Fond tal-kontribuzzjonijiet li jiġbru fil-livell nazzjonali u biex progressivament issir fużjoni tal-kompartimenti. Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ikun neċessarju il-kontribuzzjonijiet miġbura mill-partijiet ikunu trasferiti lill-kompartimenti nazzjonali tal-Fond. Dan ir-Regolament jistipula s-setgħat tal-Bord għall-użu u l-ġestjoni tal-Fond. Il-Ftehim se jiddetermina l-mod kif il-Bord ser ikun jista' jiddisponi mill-kompartimenti nazzjonali li huma soġġetti għall-fużjoni progressiva.

(21)

Applikazzjoni ċentralizzata tar-regoli dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2014/59/UE minn awtorità ta' riżoluzzjoni unika tal-Unjoni fl-Istati Membri parteċipanti tista' tkun żgurata biss fejn ir-regoli li jirregolaw l-istabbiliment u l-funzjonament ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni huma direttament applikabbli fl-Istati Membri sabiex jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti fost l-Istati Membri. Din l-applikabbilita' diretta ġġib benefiċċji għas-suq intern kollu kemm hu għaliex se jikkontribwixxi biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u biex jiġu evitati ostakoli għall-eżerċizzju liberu tal-libertajiet fundamentali mhux biss fl-Istati Membri parteċipanti iżda fis-suq intern kollu.

(22)

B'riflessjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-SRM għandu jkopri l-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, fil-qafas tal-SRM, għandu jkun possibbli li tiġi riżolta direttament kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu ta' Stat Membru parteċipanti sabiex jiġu evitati asimmetriji fis-suq intern fir-rigward tat-trattament ta' istituzzjonijiet li jkunu qed ifallu u tal-kredituri matul proċess ta' riżoluzzjoni. Sal-punt li l-impriżi prinċipali, id-ditti tal-investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu inklużi fis-superviżjoni konsolidata mill-BĊE, dawn għandhom ikunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-SRM. Għalkemm il-BĊE mhux se jwettaq superviżjoni ta' dawk l-istituzzjonijiet waħdu, se jkun l-uniku superviżur li se jkollu perċezzjoni globali tar-riskju li grupp, u indirettament il-membri individwali, se jkunu esposti għalih. L-esklużjoni tal-entitajiet li jiffurmaw parti mis-superviżjoni konsolidata fil-kamp ta' applikazzjoni tal-BĊE mill-kamp ta' applikazzjoni tal-SRM tagħmilha impossibbli li wieħed jippjana għar-riżoluzzjoni ta' gruppi u li tiġi adottata strateġija ta' riżoluzzjoni tal-grupp, u tagħmel kwalunkwe deċiżjoni ta' riżoluzzjoni ħafna inqas effettiva.

(23)

Fl-SRM, id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell l-aktar xieraq. Meta jadottaw deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom japplikaw l-istess regoli materjali.

(24)

Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta' riżoluzzjoni tal-Unjoni ubilli jibqa' marġni ta' diskrezzjoni fl-adozzjoni ta' kull skema ta' riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE,. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta' implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta' interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond li għandu jintuża f'azzjoni speċifika ta' riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati sabiex tispeċifika l-kriterji jew il-kondizzjonijiet ulterjuri li għandhom jitqiesu mill-Bord fl-eżerċizzju tas-setgħat differenti tiegħu.Tali għoti ta' kompiti ta' riżoluzzjoni bl-ebda mod ma għandu jostakola l-funzjonament tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji. L-ABE għandha żżomm ir-rwol tagħha, flimkien mas-setgħat u l-kompiti tagħha: għandha tiżviluppa u tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-Istati Membri kollha u żżid il-konverġenza tal-prattiki ta' riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha kemm hi.

(25)

Bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59/UE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, fit-twettiq tal-kompiti konferiti lilhom minn dan ir-Regolament, għandhom jiżguraw li l-arranġamenti organizzattivi xierqa huma fis-seħħ.

(26)

Il-BĊE, bħala s-superviżur fl-SSM, u l-Bord, għandhom ikuni jistgħu jevalwaw jekk istituzzjoni ta' kreditu hijiex qed tfalli jew li x'aktarxtfalli u jekk ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li azzjoni alternattiva mis-settur privat jew superviżorja tkun tista' tevita li din tfalli fi żmien raġonevoli. Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta' riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, li tinvolvi lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tal-Bord filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta' delega ta' setgħat lill-aġenziji kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”). Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord tidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien 24 siegħa wara l-adozzjoni tagħha mill-Bord, ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jew jekk l-iskema ta' riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta' riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta' interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond kif propost mill-Bord.

Bidla fl-ammont tal-Fond ta' 5 % jew aktar meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Bord għandha titqies bħala materjali. Il-Kunsill għandu japprova jew joġġezzjona għall-proposta tal-Kummissjoni mingħajr ma jemendaha. Fil-kwalità tagħha ta' osservatur fil-laqgħat tal-Bord, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tivverifika li l-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord hija konformi totalment ma' dan ir-Regolament, tibbilanċja b'mod xieraq id-diversi objettivi u interessi involuti, tirrispetta l-interess pubbliku u tippreserva dik l-integrità tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni teħtieġ proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet rapidu ħafna, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u l-Kunsill ma għandux jirriproduċi x-xogħol preparatorju li jkun diġà sar mill-Kummissjoni. Il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni li għandhom jieħdu kull miżura neċessarja għall-implimentazzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni.

(27)

Il-produzzjoni ta' skema ta' riżoluzzjoni ta' grupp għandha tiffaċilita riżoluzzjoni koordinata li għandha probabbiltà akbar li twassal l-aħjar riżultat għall-entitajiet kollha ta' grupp. Il-Bord jew, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja fil-livell tal-grupp (li jista' jinvolvi, fejn xieraq, arranġamenti ta' kondiviżjoni tal-piż) sabiex jiġi stabbilizzat il-grupp bħala entità sħiħa. Is-sjieda ta' sussidjarji tista' tiġi trasferita lill-istituzzjoni tranżitorja bil-ħsieb li jinbiegħu, jew bħala pakkett jew individwalment, meta l-kondizzjonijiet tas-suq ikunu xierqa. Barra minn hekk, il-Bord jew, jekk ikun il-każ, l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandu jkollhom is-setgħa japplikaw l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna fil-livell tal-impriża prinċipali.

(28)

Il-Bord għandu, partikolarment, ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fir-rigward ta' entitajiet jew gruppi konsiderevoli, entitajiet jew gruppi b'superviżjoni diretta mill-BĊE, jew gruppi transkonfinali. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jassistu l-Bord fl-ippjanar u fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni. Għall-entitajiet u l-gruppi li mhumiex sinifikanti jew mhumiex transkonfinali, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu responsabbli, partikolarment, mill-ippjanar tar-riżoluzzjoni, mill-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà, mit-tneħħija tal-impedimenti għar-riżolvibbiltà, mill-miżuri li l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom dritt jieħdu matul l-intervent bikri, u mill-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni. F'ċerti ċirkostanzi, l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonaligħandhom jiżvolġu l-kompiti tagħhom abbażi ta' u skont dan ir-Regolament filwaqt li jeżerċitaw is-setgħat konferiti lilhom, u skont il-leġislazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE sa fejn mhuwiex f'kunflitt ma' dan ir-Regolament.

(29)

Huwa essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li l-istess regoli japplikaw għall-azzjonijiet tar-riżoluzzjoni kollha, irrispettivament minn jekk jittiħdux mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni skont id-Direttiva 2014/59/UE jew fil-qafas tal-SRM. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta dawk il-miżuri skont l-Artikolu 107 TFUE.

(30)

Fejn l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tkun tinvolvi l-għoti tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE jew bħala għajnuna mill-Fond, deċiżjoni dwar ir-riżoluzzjoni tista' tiġi adottata wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva jew kundizzjonali dwar il-kompatibbiltà tal-użu ta' tali għajnuna mas-suq intern. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Fond tista' timponi kondizzjonijiet, impenji jew obbligi fir-rigward tal-benefiċjarja. Il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill- Kummissjoni jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitatigħal rekwiżiti ta' kondiviżjoni tal-piż, fosthom rekwiżit li t-telf jiġi l-ewwel assorbit b'ekwità u rekwiżiti relatati mal-kontribuzzjonijiet mingħand detenturi ibridi tal-kapital, detenturi subordinati tad-dejn u kredituri ta' livell għoli, inkluż skont ir-rekwiżiti taid-Direttiva 2014/59/UE; restrizzjonijiet fuq il-pagamenti tad-dividendi ta' ishma jew kupuni fuq strumenti kapitali ibridi, fuq ix-xiri mill-ġdid ta' ishma jew strumenti kapitali ibridi proprji, jew fuq tranżazzjonijiet ta' ġestjoni tal-kapital; restrizzjonijiet fuq l-akkwiżizzjonijiet ta' sjieda fi kwalunkwe impriża permezz ta' trasferiment ta' assi jew ta' ishma; projbizzjonijiet ta' prattiki jew strateġiji kummerċjali aggressivi, jew appoġġ fir-reklamar minn għajnuna pubblika; rekwiżiti dwar il-proporzjonijiet tas-suq, ipprezzar, karatteristiċi tal-prodott jew rekwiżiti ta' mġiba oħrajn; rekwiżiti għall-pjanijiet ta' ristrutturar; rekwiżiti ta' governanza; rekwiżiti fil-qasam tar-rapportar u tad-divulgazzjoni, anki fir-rigward tal-konformità ma' kondizzjonijiet li jistgħu jiġu speċifikati mill-Kummissjoni; rekwiżiti relatati mal-bejgħ tal-benefiċjarju jew tal-assi, tad-drittijiet jew tal-obbligazzjonijiet tagħha kollha, jew parti minnhom; rekwiżiti dwar il-likwidazzjoni tal-benefiċjarju.

(31)

Sabiex jiġi żgurat proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet mingħajr dewmien u effettiv fir-riżoluzzjoni, il-Bord għandu jkun aġenzija tal-Unjoni speċifika bi struttura speċifika, li tikkorrispondi għall-kompiti speċifiċi tiegħu, u li tkun ibbażata fuq il-mudell ta' kull aġenzija oħra tal-Unjoni. Il-kompożizzjoni tiegħu għandha tiżgura li jitqiesu kif dovut l-interessi rilevanti kollha involuti fil-proċeduri ta' riżoluzzjoni. Meta wieħed iqis li l-missjonijiet tal-Bord, President, Viċi President u erba' membri oħra full time tal-Bord għandhom jinħatru abbażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji, u l-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarji u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet. Il-President, il-Viċi President u l-erba' membri oħra full time tal-Bord għandhom jintgħażlu abbażi ta' proċedura ta' għażla miftuħa li dwarha għandhom jinżammu infurmati debitament il-Parlament Ewropew u l-Kunsill u li għandu jiġi irrispettat il-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi, l-esperjenza u l-kwalifiki. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew b'lista mqassra ta' kandidati għall-karigi ta' President, Viċi President u l-erba' membri oħra full time tal-Bord. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-ħatra tal-President, il-Viċi President u l-erba' membri oħra full time tal-Bord lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara li l-Parlament Ewropew japprova dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni biex jinħatru l-President, il-Viċi President, u l-erba' membri oħra full time tal-Bord.

(32)

Il-Bord għandu jopera f'sessjonijiet eżekuttivi u plenarji. Fis-sessjoni eżekuttiva tieghu, għandu jkun kompost mill-President tiegħu, l-erba' membri indipendenti full-time tiegħu, li għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess tal-Unjoni kollha, u osservaturi permanenti maħtura mill-Kummissjoni u mill-BĊE. Meta tkun qed tiddelibera dwar riżoluzzjoni ta' istituzzjoni jew grupp stabbilit fi Stat Membru parteċipanti wieħed, is-sessjoni eżekuttiva tal-Bord għandha ssejjaħ u tinvolvi fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet lill-membru maħtur mill-Istat Membru konċernat li jirrappreżenta lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tiegħu. Meta jiddeliberaw dwar grupp transkonfinali, il-membri maħtura kemm mill-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll mill-Istati Membri ospitanti kollha kkonċernati li jirrappreżentaw lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti għandhom jissejħu u jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord.

(33)

Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jħejji d-deċiżjonijiet kollha dwar il-proċedura ta' riżoluzzjoni u, sa fejn ikun possibbli, jadotta dawk id-deċiżjonijiet. Minħabba n-natura speċifika għall-istituzzjonijiet tal-informazzjoni li tinsab fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, id-deċiżjonijiet dwar it-tfassil, il-valutazzjoni, u l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom jittieħdu mill-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu. Rigward l-użu tal-Fond, importanti li ma jkunx hemm vantaġġi għal min jidħol l-ewwel (FMA) u li l-ħruġ ta' flus mill-Fond ikun sorveljat. Biex ikun żgurat teħid ta' deċiżjonijiet korrispondenti mill-Bord, meta tkun meħtieġa azzjoni ta' riżoluzzjoni 'l fuq mill-livell ta' limitu ta' EUR 5 000 000 000, kwalunkwe membru tal-plenarja għandu jkun jista' jitlob, fi żmien bi skadenza stretta, lis-sessjoni plenarja tiddeċiedi. Fejn l-appoġġ ta' likwidità ma jinvolvi l-ebda riskju jew inkella jinvolvi riskju notevolment iżgħar minn dak ta' forom oħra ta' appoġġ, b'mod partikolari fil-każ ta' estensjoni tal-kreditu fuq perijodu ta' żmien qasir u ta' darba lil istituzzjonijiet solventi b'kollateral adegwat ta' kwalità għolja, ikun ġustifikat li tali forma ta' appoġġ jingħata piż aktar baxx ta' 0.5 biss. Ġaladarba l-użu nett akkumulat tal-Fond tul it-12-il xahar konsekuttivi preċedenti jilħaq il-livell ta' limitu ta' EUR 5 000 000 000 fis-sena, is-sessjoni plenarja għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni, inkluż l-użu tal-Fond, u għandha tipprovdi gwida li s-sessjoni eżekuttiva għandha ssegwi f'deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni sussegwenti. Il-gwida għas-sessjoni eżekuttiva għandha b'mod partikolari tiffoka fuq l-iżgurar ta' applikazzjoni nondiskriminatorja tal-għodda ta' riżoluzzjoni, fuq l-evitar ta' tbattil tal-Fond u d-divrenzjar kif jixraq bejn likwidità bla riskju jew b'riskju baxx u forom oħra ta' appoġġ.

(34)

Peress li l-parteċipanti fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Bord fis-sessjonijiet eżekuttivi tiegħu jinbidlu skont l-Istat(i) Membru/i fejn joperaw l-istituzzjoni jew il-grupp rilevanti, il-parteċipanti permanenti għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet fil-formazzjonijiet differenti tas-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord ikunu konsistenti, xierqa u proporzjonati.

(35)

Il-Bord għandu jkun jista' jistieden osservaturi għal-laqgħat tiegħu. Il-konferiment ta' kompiti ta' riżoluzzjoni lill-Bord għandu jkun konsistenti mal-qafas tas-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) u l-għan sottostanti tagħha li tiżviluppa l-ġabra unika ta' regoli u li ssaħħaħ il-konverġenza ta' prattiki superviżorji u ta' riżoluzzjoni fl-Unjoni. B'mod partikolari, l-ABE għandha tivvaluta u tikkoordina inizjattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 fir-rigward tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni bil-għan li tippromwovi konverġenza f'dak il-qasam. Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-Bord għandu dejjem jistieden lill-ABE meta jiġu diskussi kwistjonijiet li għalihom, skont id-Direttiva 2014/59/UE, l-ABE tkun meħtieġa tiżviluppa standards tekniċi jew toħroġ linji gwida. Osservaturi oħra, bħal pereżempju rappreżentant tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), jistgħu, fejn ikun xieraq, ikunu mistiedna wkoll għal-laqgħat tal-Bord.

(36)

L-osservaturi għandhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti ta' segretezza professjonali bħall-membri u l-persunal tal-Bord u l-persunal skambjat jew issekondat mill-Istati Membri parteċipanti li jkunu qed iwettqu doveri ta' riżoluzzjoni.

(37)

Il-Bord għandu jkun jista' jistabbilixxi timijiet ta' riżoluzzjoni interni magħmula minn persunal proprju u minn persunal tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, inkluż, fejn ikun xieraq, osservaturi minn Stati Membri mhux parteċipanti. Dawk it-timijiet interni ta' riżoluzzjoni għandhom jitmexxew minn koordinaturi maħtura mill-persunal anzjan tal-Bord, li jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi biex jipparteċipaw fis-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord.

(38)

Il-Bord u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonkludu memoranda ta' fehim li jiddeskrivu f'termini ġenerali kif se jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva 2014/59/UE. Il-memoranda ta' fehim jistgħu, fost l-oħrajn, jikkjarifikaw il-konsultazzjoni rigward id-deċiżjonijiet tal-Bord li jkollhom effett fuq sussidjarji stabbiliti jew fergħat li jinstabu fl-Istati Membri mhux parteċipanti, fejn l-impriża prinċipali tkun stabbilita fi Stat Membru parteċipanti. Il-memoranda għandhom jiġu rieżaminati fuq bażi regolari.

(39)

Il-Bord għandu jaġixxi b'mod indipendenti. Hu għandu jkollu l-kapaċità jitratta ma' gruppi kbar u, li jaġixxi b'ħeffa u b'mod imparzjali. Il-Bord, għandu jiżgura li jitqiesu kif jixraq l-istabbiltà finanzjarja nazzjonali, l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u s-suq intern. Il-Membri tal-Bord għandu jkollhom il-kompetenza neċessarja dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza tal-banek.

(40)

Meta jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija minn dan ir-Regolament, għandu jingħata kont dovut lill-importanza għas-suq intern fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt ta' stabbiliment previst fit-TFUE, u b'mod partikolari, fejn possibbli, tal-effetti fuq il-kontinwazzjoni ta' attivitajiet transkonfinali.

(41)

Fid-dawl tal-missjonijiet tal-Bord u l-objettivi tar-riżoluzzjoni li jinkludu l-protezzjoni tal-fondi pubbliċi, il-funzjonament tal-SRM għandu jiġi ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet imħallsa mill-istituzzjonijiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

(42)

Il-Bord, il-Kunsill fejn rilevanti, u l-Kummissjoni, għandhom jissostitwixxu l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni maħtura skont id-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-aspetti kollha relatati mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni maħtura skont dik id-Direttiva għandhom ikomplu jwettqu attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-iskemi ta' riżoluzzjoni adottati mill-Bord. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kontroll demokratiku, kif ukoll sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-Bord għandu jagħti rendikont lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal kull deċiżjoni meħuda fuq il-bażi ta' dan ir-Regolament. Għal raġunijiet ta' trasparenza u kontroll demokratiku, il-parlamenti nazzjonali għandu jkollhom ċerti drittijiet biex jiksbu informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Bord, u biex jipparteċipaw fi djalogu miegħu.

(43)

Il-Parlament nazzjonali ta' Stat Membru parteċipanti, jew il-kumitat kompetenti tiegħu, għandu jkun jista' jistieden lill-President jipparteċipa fi skambju ta' opinjonijiet fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet f'dak l-Istat Membru flimkien ma' rappreżentant tal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni. Tali rwol għall-parlamenti nazzjonali huwa xieraq minħabba l-impatt potenzjali li l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jista' jkollhom fuq il-finanzi pubbliċi, l-istituzzjonijiet, il-klijenti u l-impjegati tagħhom, u s-swieq fl-Istati Membri parteċipanti. Il-President u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom iwieġbu pożittivament għal dan it-tip ta' stediniet ta' skambji ta' opinjonijiet mal-parlamenti nazzjonali.

(44)

Biex jiġi żgurat approċċ uniformi għall-istituzzjonijiet u l-gruppi, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jfassal pjanijiet ta' riżoluzzjoni għal tali istituzzjonijiet u gruppi, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni kompetenti. Għandha tkun ir-regola ġenerali li l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp jitħejjew għall-grupp kollu kemm hu u li jiġu identifikati miżuri fir-rigward ta' impriża prinċipali kif ukoll tas-sussidjarji individwali kollha li jagħmlu parti mill-grupp. Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom iqisu l-istruttura finanzjarja, teknika u tan-negozju tal-grupp rilevanti. Jekk jitħejjew pjanijiet ta' riżoluzzjoni individwali għal entitajiet li jagħmlu parti minn grupp, il-Bord jew, fejn ikun rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandu jkollhom l-għan li jkunu kemm jista' jkun konsistenti mal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-bqija tal-grupp. Il-Bord jew, fejn ikun rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom jitrażmettu l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u kwalunkwe tibdiliet fihom lill-awtorità kompetenti, biex din tinżamm infurmata permanentement u bis-sħiħ. Il-Bord għandu jivvaluta r-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet u l-gruppi, u jieħu miżuri bil-għan li jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, jekk ikun hemm. Il-Bord għandu jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni japplikaw it-tali miżuri xierqa mfassla biex ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà sabiex tiġi żgurata konsistenza u r-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet ikkonċernati. Minħabba s-sensittività tal-informazzjoni li jkun fihom, il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

(45)

Fl-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, għandhom jitqiesu l-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll il-karatteristiċi partikolari tal-forma ġuridika ta' istituzzjoni.

(46)

L-ippjanar tar-riżoluzzjoni huwa element essenzjali ta' riżoluzzjoni effettiva. Il-Bord għalhekk għandu jkollu s-setgħa jirrikjedi tibdiliet fl-istruttura u l-organizzazzjoni ta' istituzzjonijiet jew gruppi sabiex jittieħdu miżuri li jkunu meħtieġa u proporzjonati biet jitnaqqsu jew jitneħħew impedimenti materjali għall-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni u tkun żgurata r-riżolvibbiltà tal-entitajiet konċernati. Minħabba n-natura potenzjalment sistemika tal-istituzzjonijiet kollha, huwa kruċjali, sabiex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, li l-Bord, jew fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jkollhom il-possibbiltà jirriżolvu kwalunkwe istituzzjoni. Sabiex jiġi rispettat id-dritt li jitwettaq negozju stabbilit fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“Il-Karta”), id-diskrezzjoni tal-Bord għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ sabiex jiġu ssimplifikati l-istruttura u l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni purament biex titjieb ir-riżolvibbiltà tagħha. Barra minn dan, kwalunkwe miżura imposta għal tali finijiet għandha tkun konsistenti mal-liġi tal-Unjoni. Il-miżuri m'għandhomx jiddiskriminaw abbażi ta' nazzjonalità, la direttament u lanqas indirettament, u għandhom jiġu ġġustifikati permezz tar-raġuni prevalenti li jitwettqu fl-interess pubbliku fl-istabbiltà finanzjarja. Sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni tteħditx fl-interess pubbliku ġenerali, il-Bord, filwaqt li jaġixxi fl-interess pubbliku ġenerali, għandu jkun jista' jilħaq l-objettivi ta' riżoluzzjoni mingħajr ma jsib impedimenti għall-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni jew għall-abbiltà tiegħu li jeżerċita s-setgħat ikkonferiti fuqu b'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, azzjoni ma għandhiex tmur lil hinn mill-minimu meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi. Meta jiddetermina l-miżuri li għandhom jittieħdu, il-Bord jew, fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom iqisu t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistematiku (“BERS”) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(47)

Minħabba n-natura potenzjalment sistemika tal-istituzzjonijiet kollha, huwa kruċjali li l-Bord, fejn ikun xieraq b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, ikun jista' jadotta pjani ta' riżoluzzjoni, jivvaluta r-riżolvibbiltà ta' kwalunkwe istituzzjoni u grupp u, fejn ikun meħtieġ, jieħu miżuri biex jindirizza jew ineħħi l-impedimenti għar-riżolvibbiltà ta' kwalunkwe istituzzjoni fl-Istati Membri parteċipanti. Il-falliment ta' istituzzjonijiet b'importanza sistemika, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE, jistgħu joħolqu riskju konsiderevoli għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja. Il-Bord għandu jagħti l-attenzjoni dovuta, bħala prijorità, biex jistabbilixxi il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' dawk l-istituzzjonijiet b'importanza sistemika, kif ukoll biex jivvalutaw ir-riżolvibbiltà tagħhom u biex jieħu l-azzjoni meħtieġa kollha biex jindirizza jew ineħħi l-impedimenti kollha tar-riżolvibbilta tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tiegħu u għall-obbligi tiegħu li jippjana għar-riżoluzzjoni u jivvaluta r-riżolvibbiltà tal-istituzzjonijiet kollha soġġetti għas-setgħat tiegħu.

(48)

Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu proċeduri ta' kif jiġu infurmati u kkonsultati r-rappreżentanti tal-impjegati tul il-proċessi ta' riżoluzzjoni fejn ikun xieraq. Fejn applikabbli, f'dan ir-rigward għandu jkun hemm konformità ma' ftehimiet kollettivi, jew arranġamenti oħra previsti mis-sħab soċjali, kif ukoll mal-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali u dwar l-involviment tat-trejdjunjins u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-proċessi ta' ristrutturar tal-kumpaniji.

(49)

Fir-rigward tal-obbligu tal-abbozzar ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni, il-Bord, jew, fejn ikun rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, fil-kuntest tal-pjani ta' riżoluzzjoni u meta jużaw is-setgħat u l-għodod differenti disponibbli għalihom, għandhom iqisu n-natura tan-negozju tal-entità, l-istruttura azzjonarja, il-forma ġuridika, il-profil tar-riskju, id-daqs u l-istatus ġuridiku u l-interkonnettività ma' istituzzjonijiet oħrajn jew mas-sistema finanzjarja b'mod ġenerali, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha, kemm jekk hija membru fi skema ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS) jew sistemi oħra ta' solidarjetà kooperattiva reċiproka, jekk teżerċitax kwalunkwe servizz jew attività ta' investiment u jekk il-falliment jew l-istralċ sussegwenti tagħha skont proċeduri normali ta' insolvenza humiex mistennija jħallu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra, fuq il-kondizzjonijiet tal-finanzjament, jew fuq l-ekonomija aktar ġenerali, jiżgura li r-reġim jiġi applikat b'mod xieraq u proporzjonat u li l-piż amministrattiv relatat mal-obbligi tat-tħejjija tal-pjan ta' riżoluzzjoni ikun minimizzat. Billi l-kontenut u l-informazzjoni speċifikati fit-Taqsima A tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE jistabbilixxu standard minimu għal entitajiet b'rilevanza sistemika evidenti, hu permess li japplikaw rekwiżiti ta' ppjanar u informazzjoni ta' riżoluzzjoni differenti jew imnaqqsa b'mod sinifikanti fuq bażi speċifika għall-istituzzjoni u bi frekwenza iktar baxxa minn sena għall-aġġornamenti. Għal entità żgħira b'livell baxx ta' interkonnettività u kumplessità, il-pjan ta' riżoluzzjoni jista' jitnaqqas. Barra minn hekk, ir-reġim għandu jiġi applikat b'tali mod li ma jipperikolax l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. B'mod partikolari, f'sitwazzjonijiet ikkaratterizzati minn problemi usa' jew anke dubji dwar ir-reżiljenza ta' ħafna entitajiet, huwa essenzjali li jitqies ir-riskju ta' kontaġju mill-azzjonijiet meħuda fir-rigward ta' kwalunkwe entità individwali.

(50)

Fejn id-Direttiva 2014/59/UE tipprevedi l-possibbiltà li jiġu applikati obbligi simplifikati jew eżenzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fir-rigward tar-rekwiżit tal-abbozzar tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, għandha tkun prevista proċedura fejn il-Bord, jew, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jkunu jistgħu jawtorizzaw l-applikazzjoni ta' tali obbligi simplifikati.

(51)

Bi qbil mal-istruttura tal-kapital ta' entitajiet affiljati ma' korp ċentrali, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Bord, jew, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom mhumiex obbligati li jfasslu pjani ta' riżoluzzjoni separati purament minħabba li l-korp ċentrali li huma affiljati miegħu ikun taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE. Fil-każ ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni fl-Istati Membri kollha fejn jopera l-grupp għandu jitqies b'mod speċifiku fit-tfassil tal-pjanijiet.

(52)

L-SRM għandu jkun ibbażat fuq l-oqfsa ta r-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u tad-Direttiva 2014/59/UE. Għalhekk, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jintervjeni fi stadju bikri fejn is-sitwazzjoni finanzjarja jew is-solvenza ta' entità tkun qiegħda tiddeterjora. L-informazzjoni li l-Bord jirċievi mingħand l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew il-BĊE f'dan l-istadju hija strumentali biex issir determinazzjoni dwar l-azzjoni li jista' jieħu sabiex iħejji għar-riżoluzzjoni tal-entità kkonċernata.

(53)

Sabiex tiġi żgurata azzjoni ta' riżoluzzjoni rapida meta ssir neċessarja, il-Bord għandu jimmonitorja mill-qrib, f'kooperazzjoni mal-BĊE jew mal-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti, is-sitwazzjoni tal-entitajiet ikkonċernati u l-konformità ta' dawk l-entitajiet ma' kwalunkwe miżura ta' intervent bikri meħuda fir-rigward tagħhom. Meta jkun qed jiġi ddeterminat jekk azzjoni mis-settur privat tistax tevita fi skeda ta' żmien raġonevoli l-falliment ta' entità, l-awtorità xierqa għandha tqis l-effettività ta' miżuri ta' intervent bikri mwettqa fi iskeda ta' żmien iddeterminata mill-awtorità kompetenti.

(54)

Il-Bord, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, għandhom fejn ikun meħtieġ jikkonkludu memorandum ta' fehim li jiddeskrivi f'termini ġenerali kif se jikkooperaw flimkien fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Il-memorandum għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari.

(55)

Meta jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' entitajiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati membri mhux parteċipanti, għandu jittieħed kont tal-effetti avversi possibbli fuq dawk l-Istati Membri, bħal theddidiet għall-istabbiltà finanzjarja tas-swieq finanzjarji tagħhom u fuq l-entitajiet stabbiliti f'dawk l-Istati Membri.

(56)

Sabiex jiminimizza t-tħarbit tas-suq finanzjarju u tal-ekonomija, il-proċess tar-riżoluzzjoni għandu jitwettaq f'perijodu ta' żmien qasir. Id-depożitanti għandhom jingħataw aċċess mill-anqas għad-depożiti garantiti malajr kemm jista' jkun, u fi kwalunkwe każ qabel l-istess skadenzi previsti fid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropeu u tal-Kunsill (10). Il-Kummissjoni għandha, matul il-proċedura ta' riżoluzzjoni, ikollha aċċess għal kwalunkwe informazzjoni li tqis meħtieġa sabiex tieħu deċiżjoni infurmata fil-proċess ta' riżoluzzjoni.

(57)

Id-deċiżjoni li entità tiddaħħal fi proċess ta' riżoluzzjoni għandha tittieħed qabel ma entità finanzjarja ssir insolventi skont il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa fix-xejn l-ekwità kollha. Riżoluzzjoni għandha tinbeda wara li jiġi determinat li entità qed tfalli jew x'aktarx li se tfalli u li l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat mhi se tipprevjeni tali falliment f'qafas ta' żmien raġonevoli. Il-fatt li entità ma tissodisfax ir-rekwiżiti għal awtorizzazzjoni ma għandux jiġġustifika minnu nnifsu d-dħul fi proċess ta' riżoluzzjoni, speċjalment jekk l-entità tibqa' jew x'aktarx li tibqa vijabbli. Entità għandha tiġi kkunsidrata li qed tfalli jew x'aktarx li se tfalli fejn tkun qed tikser jew x'aktarx se tkun qed tikser fil-futur qarib ir-rekwiżiti għall-kontinwazzjoni tal-awtorizzazzjoni, fejn l-assi tal-entità jkunu jew x'aktarx se jkunu fil-futur qarib, inqas mill-passiv tagħha, meta l-entità ma tkunx tista', jew x'aktarx li mhux se tkun tista' fil-futur qarib, tħallas id-djun tagħha hekk kif isiru dovuti, jew fejn l-entità teħtieġ għajnuna finanzjarja straordinarja minbarra fiċ-ċirkostanzi partikolari stipulati f'dan ir-Regolament. Il-ħtieġa ta' assistenza likwida ta' emerġenza minn bank ċentrali ma għandhiex fiha nnfisha tkun kondizzjoni li turi b'mod suffiċjenti li entità hi jew x'aktarx fil-futur qarib, tkun inkapaċi tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha hekk kif dawn isiru dovuti. Jekk din il-faċilità tkun ġiet garantita minn Stat, entità li taċċessa tali faċilità tkun soġġetta għar-regoli dwar għajnuna mill-Istat. Sabiex tiġi ppreservatal-istabbiltà finanzjarja, b'mod partikolari fil-każ ta' skarsezza ta' likwidità sistemika, garanziji tal-Istati ta' faċilitajiet ta' likwidità pprovduti minn banek ċentrali jew garanziji tal-Istat ta' obbligazzjonijiet ġodda sabiex ikunu ta' rimedju għal taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru ma għandhomx jiskattaw qafas ta' riżoluzzjoni jekk jintlaħqu għadd ta' kondizzjonijiet. Partikolarment, il-miżuri ta' garanziji tal-Istat għandhom jiġu approvati skont il-qafas tal-għajnuna mill-Istat u ma għandhomx ikunu parti minn pakkett ta' għajnuna akbar, u l-użu tal-miżuri ta' garanzija għandu jkun strettament għal żmien limitat. Il-garanziji tal-Istati Membri għal pretensjonijiet ta' ekwità għandhom ikunu pprojbiti.

Meta jipprovdi garanzija, Stat Membru għandu jiżgura li l-garanzija tkun remunerata biżżejjed mill-entità. Barra minn hekk, l-għoti ta' għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ma għandux jiskatta riżoluzzjoni fejn, bħala miżura ta' prekawzjoni, Stat Membru jieħu sehem ta' ekwità f'entità, inkluż entità bi sjieda pubblika, li tikkonforma mar-rekwiżiti ta' kapital tiegħu. Dak jista' jkun il-każ, pereżempju, meta entità tkun meħtieġa żżid kapital ġdid minħabba l-eżitu ta' test tal-istress ibbażat fuq xenajru jew l-eżerċizzju ekwivalenti mwettaq minn awtoritajiet makro prudenzjali li jinkludi rekwiżit maħsub għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fil-kuntest ta' kriżi sistemika, iżda l-entità ma tkunx tista' żżid il-kapital privatament fis-swieq. Entità ma għandhiex tiġi kkunsidrata li qed tfalli jew x'aktarx li se tfalli unikament abbażi tal-fatt li dik l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ġiet ipprovdut qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Finalment, l-aċċess għal faċilitajiet ta' likwidità li jinkludu għajnuna ta' likwidità ta' emerġenza minn banek ċentrali jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat taħt il-qafas ta' għajnuna mill-Istat.

(58)

Il-likwidazzjoni ta' entità li tkun qed tfalli skont proċeduri normali ta' insolvenza tista' tipperikola l-istabbiltà finanzjarja, tinterrompi l-provvediment ta' servizzi essenzjali u tolqot il-protezzjoni tad-depożitanti. F'dan il-każ hemm interess pubbliku fl-applikazzjoni ta' għodda ta' riżoluzzjoni. L-objettivi ta' riżoluzzjoni għandhom għalhekk ikunu li tiġi żgurata l-kontinwità ta' servizzi finanzjarji essenzjali, li tinżamm l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, li jitnaqqas il-periklu morali billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika lil entitajiet li jkunu qed ifallu, u li jiġu protetti d-depożitanti.

(59)

Madankollu, l-istralċ ta' entità insolventi permezz ta' proċeduri normali ta' insolvenza dejjem għandu jitqies qabel tittieħed deċiżjoni li l-entità tinżamm bħala negozju avvjat. Entità insolventi għandha tinżamm bħala negozju avvjat għal skopijiet ta' stabbiltà politika u, kemm jista' jkun, bl-użu ta' fondi privati. Dan jista' jinkiseb jew permezz ta' bejgħ,jew ta' fużjoni ma', xerrej mis-settur privat, jew wara tnaqqis fil-valur tal-obbligazzjonijiet tal-entità, jew wara l-konverżjoni tad-dejn tagħha f'ekwità, sabiex ikun hemm rikapitalizzazzjoni.

(60)

Meta jieħdu jew iħejju deċiżjonijiet relatati mas-setgħat ta' riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni, għandhom jiżguraw li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji, fosthom li l-azzjonisti u l-kredituri jieħdu fuqhom sehem xieraq mit-telf, li l-maniġment għandu fil-prinċipju jiġi sostitwit, li l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni tal-entità jiġu minimizzati, u li l-kredituri tal-istess klassi jiġu trattati b'mod ekwu. B'mod partikolari, fejn il-kredituri fl-istess klassi jiġu trattati b'mod differenti fil-kuntest ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni, tali distinzjonijiet għandhom ikunu ġustifikati fl-interess pubbliku u m'għandhomx ikunu diskriminatorji, la direttament u lanqas indirettament, għal raġunijiet ta' nazzjonalità.

(61)

Il-limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 52 tal-Karta. L-għodda ta' riżoluzzjoni għandhom għalhekk jiġu applikati biss għal dawk l-entitajiet li jkunu qed ifallu jew x'aktarx li se jfallu, u dan biss fejn ikun neċessarju biex jintlaħaq l-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali. Partikolarment, l-għodda ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati fejn l-entità ma tistax tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza mingħajr ma tiġi distabbilizzata s-sistema finanzjarja u l-miżuri jkunu neċessarji sabiex jiġi żgurat it-trasferiment rapidu u l-kontinwazzjoni ta' funzjonijiet sistemikament importanti u fejn ma hemm l-ebda prospett raġonevoli ta' soluzzjoni privata alternattiva, inklużi kwalunkwe żieda fil-kapital mill-azzjonisti eżistenti jew minn kwalunkwe parti terza, biżżejjed biex tiġi restitwita l-vijabbiltà sħiħa tal-entità.

(62)

Interferenza mad-drittijiet tas-sjieda ma għandhiex tkun sproporzjonata. Bħala konsegwenza, l-azzjonisti u l-kredituri milquta ma għandhomx iġarrbu iktar telf minn dawk li kienu jġarrbu kieku l-entità ġiet stralċjata fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni ta' riżoluzzjoni. Fil-każ ta' trasferiment parzjali ta' assi ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej privat jew istituzzjoni tranżitorja, il-parti residwa tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza. Sabiex jiġu protetti l-azzjonisti u l-kredituri eżistenti tal-entità fil-proċeduri tal-istralċ, dawn għandhom ikunu intitolati jirċievu bi ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom mhux inqas minn dak li huwa stmat li kienu jirkupraw kieku l-entità kollha ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza.

(63)

Għall-fini li jiġu protetti d-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri, għandhom jiġu stabbiliti obbligi ċari fir-rigward tal-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni u, fejn meħtieġ skont dan ir-Regolament, il-valwazzjoni tat-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu kieku l-entità ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza. Għandu jkun possibbli li valwazzjoni tinbeda diġà fil-fażi ta' intervent bikri. Qabel tittieħed kwalunkwe azzjoni ta' riżoluzzjoni, għandha titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità. Tali valwazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell flimkien mad-deċiżjoni ta' riżoluzzjoni biss. Barra minn hekk, fejn meħtieġ skont dan ir-Regolament, paragun ex post bejn it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew u t-trattament li kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta' insolvenza għandu jitwettaq wara li jkunu ġew applikati l-għodda ta' riżoluzzjoni. Jekk ikun determinat li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew, fil-ħlas għall-pretensjonijiet tagħhom, inqas mill-ammont li kienu jirċievu taħt proċeduri normali ta' insolvenza, huma għandhom ikunu intitolati għall-ħlas tad-differenza fejn meħtieġ skont dan ir-Regolament. Din id-differenza, jekk ikun hemm, għandha titħallas mill-Fond stabbilit skont dan ir-Regolament.

(64)

Huwa importanti li t-telf jiġi rrikonoxxut mal-falliment tal-entità. Il-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entitajiet li qed ifallu għandha tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi fil-mument meta jiġu applikati l-għodda ta' riżoluzzjoni. Il-valur tal-obbligazzjonijiet m'għandux madankollu jintlaqat fil-valwazzjoni mill-istat finanzjarju tal-entità. Għandu jkun possibbli, għal raġunijiet ta' urġenza, li l-Bord jagħmel valwazzjoni rapida tal-assi jew l-obbligazzjonijiet ta' entità li tkun qed tfalli. Dik il-valwazzjoni għandha tkun proviżorja u għandha tapplika sakemm titwettaq valwazzjoni indipendenti.

(65)

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta' riżoluzzjoni jibqa' oġġettiv u ċert, jeħtieġ li jiġi stabbilit l-ordni li biha l-pretensjonijiet skoperti tal-kredituri kontra istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandhom jitnaqqsu fil-valur jew jiġu konvertiti. Sabiex jiġi limitat ir-riskju li l-kredituri jġarrbu telf akbar milli kieku l-istituzzjoni ġiet stralċjata skont proċeduri normali ta' insolvenza, l-ordni li għandha tiġi stabbilita għandha tkun applikabbli kemm fil-proċeduri normali ta' insolvenza kif ukoll fit-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni mwettqa fi proċedura ta' riżoluzzjoni. Dan għandu wkoll jiffaċilita l-ipprezzar tad-dejn.

(66)

Il-Bord għandu jiddeċiedi dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni dettaljata. L-għodda ta' riżoluzzjoni rilevanti għandhom jinkludu l-għodda tal-bejgħ ta' operat, l-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, li huma wkoll previsti fid-Direttiva 2014/59/UE. L-iskema għandha wkoll tagħmilha possibbli li jiġi evalwat jekk il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-istrumenti tal-kapital humiex sodisfatti.

(67)

Meta jieħu azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jqis u jsegwi l-miżuri stipulati fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni sakemm il-Bord ma jivvalutax, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta' riżoluzzjoni se jintlaħqu b'mod aktar effettiv billi jittieħdu azzjonijiet li mhumiex stipulati f'dawk il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

(68)

L-għodda ta' riżoluzzjoni għandhom jinkludu l-bejgħ ta' operat jew ta' ishma tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-istabbiliment ta' entità tranżitorja, is-separazzjoni tal-assi li qed jaħdmu tajjeb minn dawk li qed jaħdmu ħażin jew li mhux qed jaħdmu biżżejjed tal-entità li tkun qed tfalli, u r-rikapitalizzazzjoni interna tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li tkun qed tfalli.

(69)

Fejn l-għodda ta' riżoluzzjoni jkunu ntużaw biex jittrasferixxu servizzi ta' importanza sistemika jew operat vijabbli ta' entità lil entità soda bħal xerrej tas-settur privat jew entità tranżitorja, il-parti residwa tal-entità għandha tiġi likwidata.

(70)

L-għodda tal-bejgħ ta' operat għandha tippermetti l-bejgħ tal-entità jew parti mill-operat tagħha lil xerrej wieħed jew aktar mingħajr il-kunsens tal-azzjonisti.

(71)

Kwalunkwe dħul nett mit-trasferiment ta' assi jew obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta' operat għandu jibbenefika lill-entità li jibqa' fil-proċeduri tal-istralċ. Kwalunkwe dħul nett mit-trasferiment ta' strumenti ta' sjieda maħruġa mill-istitizzjoni taħt riżoluzzjoni meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta' operat għandhom jibbenefikaw lill-proprjetarji ta' dawk l-istrumenti ta' sjieda fl-istitizzjoni li jibqa' fil-proċedura tal-istralċ. Id-dħul għandu jiġi kkalkulat nett mill-ispejjeż li jinħolqu mill-falliment tal-entità u mill-proċess ta' riżoluzzjoni.

(72)

L-għodda tas-separazzjoni tal-assi għandha tippermetti lill-awtoritajiet jittrasferixxu assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta' istitizzjoni taħt riżoluzzjoni lil mezz separata. Din l-għodda għandha tintuża biss flimkien ma' għodda oħra sabiex jiġi evitat vantaġġ kompetittiv mhux mistħoqq għall-entità li tkun qed tfalli.

(73)

Reġim ta' riżoluzzjoni effettiv għandu jimminimizza l-ispejjeż tar-riżoluzzjoni ta' entità li tkun qed tfalli li jġarrbu l-kontribwenti. Għandu jiżgura wkoll li entitajiet sistemiċi jkunu jistgħu jiġu riżolti mingħajr ma jipperikolaw l-istabbiltà finanzjarja. L-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna tilħaq dak il-għan billi tiżgura li l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità li tkun qed tfalli jsofru telf xieraq u jġarrbu parti xierqa mill-ispejjeż li jirriżultaw mill-falliment tal-entità. Għalhekk l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna ser tagħti lill-azzjonisti u l-kredituri tal-entitajiet inċentiv iktar b'saħħtu biex jimmonitorjaw is-saħħa ta' entità matul ċirkostanzi normali. Hija tissodisfa ukoll ir-rakkomandazzjoni tal-Bord għall-Istabbilità Finanzjarja li s-setgħat statutorji ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tad-dejn għandhom ikunu inklużi f'qafas għal riżoluzzjoni, bħala għażla addizzjonali flimkien ma' għodda oħra ta' riżoluzzjoni.

(74)

Biex tkun żgurata l-flessibbiltà meħtieġa sabiex jallokaw telf lill-kredituri f'firxa ta' ċirkustanzi, huwa xieraq li dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu japplikaw l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna kemm fejn l-objettiv huwa li l-entità li qed tfalli tiġi riżolta bħala negozju avvjat jekk ikun hemm prospett realistiku li l-vijabbiltà tal-entità tista' tiġi restitwita u fejn servizzi ta' importanza sistemika jiġu ttrasferiti lil entità tranżitorja u l-parti residwa tal-entità tieqaf topera u tiġi stralċjata.

(75)

Fejn l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna tiġi applikata bil-għan li jerġa' jinġieb il-kapital tal-entità li tkun qed tfalli sabiex din tkun tista' tkompli topera bħala negozju avvjat, ir-riżoluzzjoni permezz ta' rikapitalizzazzjoni interna għandha tiġi akkumpanjata mis-sostituzzjoni tal-maniġment, ħlief meta ż-żamma tal-maniġment tkun xierqa u neċessarja għall-kisba tal-objettivi tar-riżoluzzjoni, u ristrutturar sussegwenti tal-entità u l-attivitajiet tagħha b'mod li jiġu indirizzati r-raġunijiet tal-falliment tagħha. Dak ir-ristrutturar għandu jinkiseb permezz tal-implimentazzjoni ta' pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju. Fejn applikabbli, tali pjanijiet għandhom ikunu kompatibbli mal-pjan ta' ristrutturazzjoni li l-entità hi meħtieġa tissottometti lill-Kummissjoni skont il-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Partikolarment, flimkien mal-miżuri mmirati biex jirrestitwixxu l-vijabbiltà fit-tul tal-entità, il-pjan għandu jinkludi miżuri li jillimitaw l-għajnuna għall-kondiviżjoni minima tal-piżijiet, u miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(76)

Mhuwiex xieraq li tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq pretensjonijiet sa fejn dawn ikunu ggarantiti, ikkollateralizzati jew iggarantiti b'xi mod ieħor. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna tkun effettiva u tikseb l-objettivi tagħha, huwa tajjeb li tkun tista' tiġi applikata għal firxa kemm jista' jkun wiesgħa ta' obbligazzjonijiet mhux garantiti ta' entità li qed tfalli. Madankollu, huwa xieraq li jiġu esklużi ċerti tipi ta' obbligazzjonijiet mhux garantiti mill-ambitu tal-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna. Sabiex jiġu protetti d-detenturi ta' depożiti koperti, l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna ma għandhiex tapplika għal dawk id-depożiti li huma protetti skont id-Direttiva 2014/49/UE. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi, l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna m'għandhiex tapplika għal ċerti obbligazzjonijiet lejn l-impjegati tal-entità li qed tfalli jew għal pretensjonijiet kummerċjali relatati ma' oġġetti u servizzi li huma kritiċi għall-funzjonament ta' kuljum tal-entità. Sabiex jiġu onorati d-drittijiet għall-pensjoni u l-ammonti ta' pensjoni dovuti lil trust pensjonistika jew lil trustees pensjonistiċi, l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna m'għandhiex tapplika għall-obbligazzjonijiet ta' entità li qed tfalli lejn skema ta' pensjoni, ħlief għal obbligazzjonijiet ta' benefiċċji tal-pensjoni attribwibbli għal remunerazzjoni varjabbli li ma tirriżultax minn ftehimiet ta' negozjar kollettiv. Biex jonqos ir-riskju ta' kontaġju sistemiku, l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna m'għandhiex tapplika għal obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn parteċipazzjoni f'sistemi ta' pagament li jkun baqgħalhom anqas minn sebat ijiem biex jimmaturaw, jew obbligazzjonijiet lil entitajiet, minbarra entitajiet li jagħmlu parti mill-istess grupp, b'maturità oriġinali ta' anqas minn sebat ijiem.

(77)

Għandu jkun possibbli li obbligazzjonijiet jiġu esklużi totalment jew parzjalment f'numru ta' ċirkostanzi inkluż fejn ma jkunx possibbli li ssir rikapitalizzazzjoni interna ta' dawn l-obbligazzjonijiet fi żmien raġonevoli, fejn l-esklużjoni hi strettament meħtieġa u hi proporzjonata għall-kisba tal-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi u linji ewlenin tal-operat, jew fejn l-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna għall-obbligazzjonijiet tikkawża tkissir fil-valur bir-riżultat li t-telf imġarrab minn kredituri oħrajn ikun akbar milli kieku dawn l-obbligazzjonijiet ma jkunux ġew esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna. Għandu jkun possibbli wkoll li obbligazzjonijiet jiġu esklużi totalment jew parzjalment meta dan ikun neċessarju biex jiġi evitat li jinfirxu l-kontaġju u l-instabilità finanzjarja li jistgħu jikkawżaw taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru. Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet, il-Bord jew, fejn ikun rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom jagħtu konsiderazzjoni għall-konsegwenzi ta' rikapitalizzazzjoni interna potenzjali ta' responsabbiltajiet li jirriżultaw minn depożiti eliġibbli miżmuma minn persuni fiżiċi u intrapriżi mikro, żgħar u medji ogħla mil-livell ta' kopertura previst fid-Direttiva li huwa ggarantit bid-Direttiva 2014/49/UE.

(78)

Meta jiġu applikati dawk l-esklużjonijiet, il-livell ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' obbligazzjonijiet eliġibbli oħrajn jista' jiżdied sabiex jitqiesu tali esklużjonijiet sakemm ikun irrispettat il-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar milli kien imur taħt proċeduri normali ta' insolvenza”. Fejn it-telf ma jistax jiġi mgħoddi lil kredituri oħrajn, il-Fond jista' jagħti kontribuzzjoni lill-istitizzjoni taħt riżoluzzjoni soġġett għal numru ta' kondizzjonijiet stretti inkluż ir-rekwiżit li t-telf li jammonta għal mhux inqas minn 8 % tat-total tal-obbligazzjonijiet inklużi l-fondi proprji jkun diġà ġie assorbit, u li l-finanzjament ipprovdut mill-Fond ikun limitat għall-iżgħar ammont minn 5 % tat-total ta' obbligazzjonijiet, inklużi l-fondi proprji jew il-mezzi disponibbli għall-Fond, u l-ammont li jista' jiġi ġġenerat permezz ta' kontribuzzjonijiet ex post tul perijodu ta' tliet snin.

(79)

F'ċirkostanzi straordinarji, fejn l-obbligazzjonijiet ikunu ġew esklużi u l-Fond ikun intuża biex jikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni interna minflok dawk l-obbligazzjonijiet sal-limitu permissibbli, il-Bord għandu jkun jista' jfittex mezzi ta' finanzjament alternattivi.

(80)

L-ammont minimu ta' rikapitalizzazzjoni interna ta' 8 % tat-total ta' obbligazzjonijiet imsemmija f'dan ir-Regolament għandu jiġi kkalkulat abbażi tal-valwazzjoni mwettqa skont dan ir-Regolament. It-telf storiku li diġà jkun ġie assorbit mill-azzjonisti permezz ta' tnaqqis fil-fondi proprji qabel dik il-valwazzjoni m'għandux jiġi inkluż f'dak il-persentaġġ.

(81)

Billi l-protezzjoni tad-depożitanti koperti hija waħda mill-għanijiet l-iżjed importanti tar-riżoluzzjoni, id-depożiti koperti ma għandhomx ikunu soġġetti għall-eżerċizzju tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna. L-iskema tal-garanzija tad-depożiti, madankollu, tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-proċess tar-riżoluzzjoni billi tassorbi t-telf sal-punt tat-telf nett li kieku kien jiġġarrab wara l-kumpens lid-depożitanti fi proċeduri normali ta' insolvenza. L-eżerċizzju tas-setgħat tar-rikapitalizzjoni interna se jiżgura li d-depożitanti jkomplu jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom, li hija r-raġuni ewlenija għaliex ġew stabbiliti l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti. In-nuqqas ta' previżjoni tal-involviment ta' dawk l-iskemi f'każijiet bħal dawn jikkostitwixxi vantaġġ inġust fil-konfront tal-bqija tal-kredituri li jkunu soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat mill-awtorità ta' riżoluzzjoni.

(82)

Fejn id-depożiti jiġu trasferiti lil entità oħra fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta' entità, id-depożitanti ma għandhomx jiġu assigurati lil hinn mil-livell ta' kopertura previst fid-Direttiva 2014/49/UE. Għalhekk, pretensjonijiet fir-rigward ta' depożiti li jibqgħu fl-istitizzjoni taħt riżoluzzjoni għandhom jiġi limitati għad-differenza bejn il-fondi trasferiti u l-livell ta' kopertura previst fid-Direttiva 2014/49/UE. Meta d-depożiti trasferiti jkunu ikbar mil-livell ta' kopertura, id-depożitant ma għandu jkollu l-ebda pretensjoni kontra l-iskema ta' garanzija tad-depożiti fir-rigward tad-depożiti li jibqgħu fl-istitizzjoni taħt riżoluzzjoni.

(83)

Sabiex jiġi evitat li l-entitajiet jistrutturaw l-obbligazzjonijiet tagħhom b'mod li jfixkel l-effettività tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, huwa xieraq li jiġ stabbilit li l-entitajiet għandhom jissodisfaw f'kull waqt ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jistgħu jkunu soġġetti għall-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, espressa bħala perċentwali tal-obbligazzjonijiet totali u l-fondi proprji tal-entità.

(84)

Għandu jiġi adottat approċċ minn fuq għal isfel għad-determinazzjoni tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fi grupp. Dak l-approċċ għandu jirrikonoxxi li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tiġi applikata fil-livell tal-entità legali individwali, u li huwa imperattiv li l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf tkun tinsab fl-entità fi ħdan il-grupp fejn iseħħ it-telf, jew tkun aċċessibbli għaliha. Għal dak il-għan, għandu jiġi żgurat li l-kapaċità ta' assorbiment tat-telf fi grupp hija mifruxa fil-grupp kollu skont il-livell ta' riskju fl-entitajiet legali kostitwenti tagħha. Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbbli meħtieġ għal kull sussidjarja individwali għandu jiġi vvalutat separatament. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-kapital u l-obbligazzjonijiet kollha li huma inklużi fir-rekwiżit minimu kkonsolidat għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbbli ikunu jinsabu f'entitajiet fejn aktarx se jkun hemm telf, jew li huma disponibbli b'xi mod ieħor biex jassorbu t-telf.

Dan ir-Regolament għandu jippermetti riżoluzzjoni b'punt ta' dħul multiplu jew b'punt ta' dħul uniku. Ir-rekwżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għandu jirrifletti l-istrateġija ta' riżoluzzjoni li tkun xierqa għal grupp skont il-pjan ta' riżoluzzjoni. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għandhom ikunu meħtieġa fil-livell xieraq fil-grupp sabiex jirriflettu approċċ b'punt ta' dħul multiplu jew approċċ b'punt ta' dħul uniku fil-pjan ta' riżoluzzjoni filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li jaf ikun hemm ċirkostanzi meta jintuża approċċ differenti minn dak fil-pjan peress li dan jippermetti, per eżempju, li l-għanijiet ta' riżoluzzjoni jintlaħqu b'mod iktar effiċjenti. B'dak l-isfond, indipendentement minn jekk grupp jagħżilx approċċ b'punt ta' dħul multiplu jew approċċ b'punt ta' dħul uniku, l-entitajiet kollha tal-grupp għandhom f'kull waqt ikollhom rekwżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli robusti sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontaġju u ta' assalt bankarju.

(85)

Għandu jintgħażel l-aħjar metodu ta' riżoluzzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u għal dan l-iskop, l-għodda kollha tar-riżoluzzjoni previsti mid-Direttiva 2014/59/UE għandhom ikunu disponibbli. Meta jkunu qed jiddeċiedu dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, sal-punt possibbli, jagħżlu l-iskema bl-inqas kostijiet għall-Fond.

(86)

Id-Direttiva 2014/59/UE tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni li jniżżlu l-valur u jikkonvertu l-istrumenti tal-kapital, minħabba li l-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-istrumenti tal-kapital jistgħu jikkoinċidu mal-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni u f'każ bħal dan, għandha ssir valutazzjoni ta' jekk il-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-istrumenti tal-kapital weħidhom humiex biżżejjed sabiex terġa' tinkiseb is-sodezza finanzjarja tal-entità kkonċernata jew jekk huwiex ukoll meħtieġ li tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni. Bħala regola, din se tintuża fil-kuntest ta' riżoluzzjoni. Il-Bord, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni jew, fejn rilevanti, tal-Kunsill għandu jissostitwixxi l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni wkoll f'dik il-funzjoni u għandu għalhekk jingħata s-setgħa li jivvaluta jekk il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva u l-konverżjoni tal-istrumenti tal-kapital humiex sodisfatti u li jiddeċiedi jekk entità għandhiex titqiegħed taħt riżoluzzjoni, jekk ir-rekwiżiti għar-riżoluzzjoni huma ssodisfati wkoll.

(87)

L-effiċjenza u l-uniformità tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu żgurati fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Għal dak l-għan, fejn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma tkunx applikat jew ma tkun ikkonformat biżżejjed ma' deċiżjoni mill-Bord skont dan ir-Regolament jew tkun applikat id-deċiżjoni b'mod li joħloq theddida għal kwalunkwe objettiv tar-riżoluzzjoni jew għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-iskema ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jingħata s-setgħa li jitrasferixxi lil persuna oħra drittijiet assi jew obbligazzjonijiet speċifikati ta' istitizzjoni taħt riżoluzzjoni, li jitlob il-konverżjoni ta' strumenti ta' dejn li jkun fihom terminu kuntrattwali għall-konverżjoni f'ċerti ċirkustanzi jew li jadotta kwalunkwe azzjoni meħtieġa li tindirizza b'mod sinifikanti t-theddida għall-objettiv tar-riżoluzzjoni rilevanti. Kwalunkwe azzjoni minn awtoritànazzjonali ta' riżoluzzjoni li żżomm jew taffettwa l-eżerċizzju tas-setgħat jew il-funzjonijiet tal-Bord tiġi eskluża.

(88)

L-entitajiet, il-korpi u l-awtoritajiet rilevanti involuti fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jikkooperaw ma' xulxin skont id-dover ta' kooperazzjoni sinċiera inkluża fit-Trattati.

(89)

Sabiex tiżdied l-effettività tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-ABE f'kull ċirkustanza. Fejn xieraq, il-Bord għandu jikkoopera wkoll mal-BERS, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-awtoritajiet l-oħra li jikkostitwixxu l-SESF. Barra minn hekk, il-Bord għandu jikkoopera mill-qrib mal-BĊE u l-awtoritajiet l-oħra li għandhom is-setgħa li jagħmlu superviżjoni tal-entitajiet fl-SSM, b'mod partikolari għall-gruppi soġġetti għas-superviżjoni konsolidata mill-BĊE. Biex jimmaniġġa b'mod effettiv il-proċess ta' riżoluzzjoni tal-banek li qed ifallu, il-Bord għandu jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fl-istadji kollha tal-proċess tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, dik il-kooperazzjoni hija meħtieġa mhux biss għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tar-riżoluzzjoni meħuda mill-Bord, iżda wkoll qabel l-adozzjoni ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' riżoluzzjoni, fl-istadju tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni jew matul il-fażi ta' intervent bikri. Il-Bord għandu jkun jista' jikkoopera mal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni rilevanti u l-faċilitajiet li jiffinanzjaw l-għajnuna finanzjarja pubblika diretta jew indiretta.

(90)

Fl-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni u fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jiżguraw li r-rappreżentanti tal-impjegati tal-entitajiet ikkonċernati jkunu infurmati u, fejn xieraq, ikkonsultati, kif previst fid-Direttiva 2014/59/UE.

(91)

Billi l-Bord jissostitwixxi l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fid-deċiżjonijiet tagħhom ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu wkoll jieħu post dawk l-awtoritajiet għall-iskopijiet tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti, inkluż fil-kulleġġi ta' riżoluzzjoni imsemmija fid-Direttiva 2014/59/UE fir-rigward tal-funzjonijiet tar-riżoluzzjoni.

(92)

Peress li ħafna istituzzjonijiet joperaw mhux biss fl-Unjoni, iżda wkoll internazzjonalment, jeħtieġ li mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni effettiv jistabbilixxi prinċipji ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz rilevanti. Għandu jiġi provdut appoġġ lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi skont il-qafas legali previst fl-Artikolu 88 tad-Direttiva 2014/59/UE. Biex ikun żgurat approċċ koerenti fil-konfront ta' pajjiżi terzi, it-teħid ta' deċiżjonijiet diverġenti fl-Istati Membri parteċipanti fir-rigward tar-rikonoxximent ta' proċeduri ta' riżoluzzjoni mwettqa f'pajjiżi terzi għal istituzzjonijiet jew impriżi prinċipali li għandhom sussidjarji u assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet oħra fl-Istati Membri parteċipanti għandu jiġi evitat kemm jista' jkun. Il-Bord għandu għaldaqstant jingħata s-setgħa li joħroġ rakkomandazzjonijiet f'dak ir-rigward.

(93)

Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b'mod effettiv, il-Bord għandu jkollu s-setgħat investigattivi xierqa. Għandu jkun jista' jitlob l-informazzjoni kollha meħtieġa permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew inkella direttament, wara li jinfurmahom, u jkun jista' jwettaq investigazzjonijiet u ispezzjonijiet fuq il-post, fejn xieraq b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, filwaqt li jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-kuntest tar-riżoluzzjoni, l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikunu disponibbli għall-Bord biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi ta' informazzjoni preċiża għal kollox u biex jimmonitorja b'mod effettiv l-implimentazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali.

(94)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha, l-entitajiet rilevanti u l-impjegati tagħhom jew partijiet terzi li jkunu ngħataw funzjonijiet jew attivitajiet mingħand l-entitajiet ma għandhomx ikunu jistgħu jinvokaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali biex jimpedixxu d-divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-Bord. Fl-istess ħin, l-iżvelar ta' tali informazzjoni lill-Bord m'għandha qatt titqies bħala ksur tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

(95)

Sabiex tiġi żgurata konformità mad-deċiżjonijiet adottati fil-qafas tal-SRM, għandhom jiġu imposti multi proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' ksur. Il-Bord għandu jkun intitolat li jimponi multi jew pagamenti perjodiċi ta' penali fuq l-impriżi talli jonqsu li jikkonformaw mad-deċiżjonijiet tiegħu indirizzati lilhom.

(96)

Meta awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tikser ir-regoli tal-SRM billi ma tużax is-setgħat mogħtija lilha skont il-liġi nazzjonali biex timplimenta struzzjoni mill-Bord, huwa possibbli li l-Istat Membru kkonċernat jista'jkun responsabbli biex jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kkawżata lil individwi, inkluż, fejn applikabbli, lill-istitizzjoni jew il-grupp taħt riżoluzzjoni, jew kull kreditur ta' kwalunkwe parti ta' dik l-entità jew grupp fi kwalunkwe Stat Membru, skont il-ġurisprudenza rilevanti.

(97)

Sabiex ikunu ggarantiti l-awtonomija u l-indipendenza sħiħa tiegħu, il-Bord għandu jingħata baġit awtonomu bi dħul minn kontribuzzjonijiet obbligatorji mill-istituzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti. Għandhom jiġu stabbiliti regoli xierqa li jirregolaw il-baġit tal-Bord, it-tħejjija tal-baġit, l-adozzjoni ta' regoli interni li jispeċifikaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit, u l-awditjar intern u estern tal-kontijiet.

(98)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħila tal-Istati Membri li jimponu tariffi li jkopru l-ispejjeż amministrattivi tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tagħhom.

(99)

L-Istati Membri parteċipanti qablu bejniethom li jiżguraw li l-Istati Membri mhux parteċipanti għandhom ikunu rimborżati fil-pront u bl-imgħax għall-ammont li dak l-Istat Membru mhux parteċipanti jkun ħallas minn riżorsi proprji fir-rigward ta' kwalunkwe applikazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għall-finijiet li jkopri responsabbiltajiet mhux kuntrattwali u kostijiet relatati magħhom fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti taħt dan ir-Regolament. L-Istati Membri parteċipanti kkonkludew ftehim għall-implimentazzjoni ta' dak l-impenn.

(100)

Hemm ċirkustanzi fejn l-effettività tal-għodda ta' riżoluzzjoni applikati tkun tiddependi fuq id-disponibbiltà ta' finanzjament għal żmien qasir għall-entità jew entità tranżitorja, l-għoti ta' garanziji lil xerrejja potenzjali, jew l-għoti ta' kapital lill-entità tranżitorja. Minkejja r-rwol tal-banek ċentrali li jipprovdu likwidità lis-sistema finanzjarja anke fi żminijiet ta' stress, huwa importanti li jiġi stabbilit fond biex jiġi evitat l-fondi meħtieġa għal dawn l-għanijiet jiġu mill-baġit nazzjonali. Għandha tkun l-industrija finanzjarja, kollha kemm hi, li tiffinanzja l-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja.

(101)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-Fond ikun disponibbli għal kollox għall-fini tar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet li qed ifallu. Għalhekk, il-Fond ma għandu jintuża għall-ebda skop ieħor għajr l-implimentazzjoni effiċjenti tal-għodda u s-setgħat ta' riżoluzzjoni. Barra minn hekk, għandu jintuża biss skont l-objettivi u l-prinċipji tar-riżoluzzjoni applikabbli. Għalhekk, il-Bord għandu jiżgura li kwalunke telf, kostijiet jew spejjeż oħra imġarrba b'rabta mal-użu tal-għodda ta' riżoluzzjoni l-ewwel jinġarru mill-azzjonisti u l-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni. It-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-għodda ta' riżoluzzjoni jinġarru mill-Fond biss fil-każ li r-riżorsi tal-azzjonisti u l-kredituri ġew eżawriti.

(102)

Bħala prinċipju, il-kontribuzzjonijiet għandhom jinġabru mill-industrija qabel kwalunkwe operazzjoni ta' riżoluzzjoni, u indipendentement minnha. Meta l-finanzjament minn qabel ma jkunx biżżejjed biex ikopri t-telf jew il-kostijiet imġarrba bl-użu tal-Fond, għandhom jinġabru kontribuzzjonijiet oħra biex ikopru l-kostijiet jew it-telf addizzjonali. Barra minn hekk, il-Fond għandu jkun jista' jikkuntratta teħid ta' self jew forom oħra ta' għajnuna minn istituzzjonijietfinanzjarji jew partijiet terzi oħra fil-każ li l-kontribuzzjoniiet ex ante u ex post mhumiex immedjatament aċċessibbli jew ma jkoprux l-ispejjeż imġarrba bl-użu tal-Fond fir-rigward ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni.

(103)

Biex jiġu evitati pagamenti doppji, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħmlu użu mill-mezzi finanzjarji disponibbli li jirriżultaw minn tariffi bankarji, taxxi jew kontribuzzjonijiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali stabbiliti bejn is-17 ta' Ġunju 2010 u t-2 ta' Lulju 2014 għall-finijiet tal-kontribuzzjonijiet ex-ante.

(104)

Sabiex tintlaħaq massa kritika u jiġu evitati effetti proċikliċi li jinħolqu kieku l-Fond kellu jiddependi biss fuq kontribuzzjonijiet ex post fi kriżi sistemika, huwa indispensabbli li l-mezzi finanzjarji disponibbli ex ante tal-Fond jammontaw mill-inqas għal ċertu livell fil-mira minimu.

(105)

Il-livell fil-mira tal-Fond għandu jkun stabbilit bħala perċentwali tal-ammont ta' depożiti koperti tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fl-Istati Membri parteċipanti. Madankollu, peress li l-ammont tal-obbligazzjonijiet totali ta' dawk l-istituzzjonijiet ikun, b'kont meħud tal-funzjonijiet tal-Fond, punt ta' riferiment iktar xieraq, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk depożiti koperti jew obbligazzjonijiet totali humiex l-aktar bażi xierqa u jekk fil-futur għandux jiġi introdott ammont minimu assolut għall-Fond, filwaqt li jinżammu kondizzjonijiet ekwivalenti mad-Direttiva 2014/59/UE.

(106)

Qafas ta' żmien xieraq għandu jiġi stipulat biex jintlaħaq il-livell immirat għall-Fond. Madankollu, għandu jkun possibbli għall-Bord li jaġġusta l-perijodu tal-kontribuzzjoni biex iqis l-iżborżamenti sinifikanti li jkunu saru mill-Fond.

(107)

L-iżgurar ta' finanzjament effettiv u suffiċjenti tal-Fond hu importanti ħafna għall-kredibilità tal-SRM. Il-kapaċità tal-Bord li jikkuntratta mezzi ta' finanzjament alternattivi għall-Fond għandha tittejjeb b'mod li tottimizza l-kost tal-finanzjament u tippreserva l-affidabbiltà kreditizja tal-Fond.Immedjatament wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa mill-Bord, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti, biex jiġu żviluppati l-metodi u l-modalitajiet xierqa li jippermettu li titjieb il-kapaċità ta' self tal-Fond li għandhom ikunu ġew stabbiliti sad-data ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(108)

Fejn l-Istati Membri parteċipanti jkunu diġà stabbilixxew arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni, għandhom ikunu jistgħu jipprevedu li l-arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament ta' riżoluzzjoni jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom, miġbura minn entitajiet fil-passat permezz ta' kontribuzzjonijiet ex ante, biex jikkumpensaw lill-entitajiet għall-kontribuzzjonijiet ex ante li dawk l-entitajiet għandhom iħallsu lill-Fond. Din ir-restituzzjoni għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri skont id-Direttiva 2014/49/UE.

(109)

Sabiex jiġi żgurat kalkolu ġust tal-kontribuzzjonijiet u jingħataw inċentivi biex joperaw b'mudell li jippreżenta inqas riskji, il-kontribuzzjonijiet tal-Fond għandhom iqisu l-grad ta' riskju mġarrab mill-istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2014/59/UE u l-atti delegati adottati skontha.

(110)

Sabiex jiġi żgurat li l-kostijiet tar-riżoluzzjoni jinqasmu kif xieraq bejn l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti u l-Fond, l-iskema ta' garanzija tad-depożiti li hija affiljata magħha l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tkun meħtieġa tagħmel kontribuzzjoni mhux akbar mill-ammont ta' telf li kien ikollha terfa' kieku l-entità ġiet stralċata bi proċedimenti normali ta' insolvenza.

(111)

Sabiex jiġi protett il-valur tal-ammonti miżmuma fil-Fond, dawn l-ammonti għandhom jiġu investiti f'assi sikuri, diversifikati u likwidi biżżejjed.

(112)

Fejn kooperazzjoni mill-qrib ta' Stat Membru parteċipanti li l-munita tiegħu mhix l-euro mal-BĊE tiġi terminata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-qsim ġust tal-kontribuzzjonijiet kumulati tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat kif ukoll tal-Fond.

(113)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiddetermina r-regoli għall-kalkolu tar-rata ta' imgħax li għandha tkun applikata fil-każ ta' deċiżjoni ta' rkupru ta' ammonti mill-Fond li jkunu ġew użati ħażin u sabiex tiggarantixxi d-drittijiet ta' amministrazzjoni tajba u ta' aċċess għad-dokumenti ta' benefiċjarji fil-proċeduri fir-rigward ta' tali rkupru; tiddetermina t-tip ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond u l-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti kontribuzzjonijiet, u l-mod li bih l-ammont tal-kontribuzzjonijiet jiġi kkalkulat u l-mod li bih għandhom jitħallsu; tispeċifika r-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà, ir-rapportar u regoli oħra meħtieġa biex jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu kollha u fil-ħin; tiddetermina l-kontribuzzjonijiet annwali neċessarji biex ikopru n-nefqa amministrattiva tal-Bord qabel ma jsir kompletament operazzjonali; tiddetermina s-sistema tal-kontribuzzjonijiet għall-entitajiet li ġew awtorizzati joperaw wara li l-Fond ikun laħaq il-livell fil-mira tiegħu; tiddetermina l-kriterji biex il-kontribuzzjonijiet jinfirxu matul iż-żmien; tiddetermina l-kriterji biex jiġi determinat l-għadd ta' snin li bih jista' jiġi estiż il-perijodu inizjali għall-ilħuq tal-livell fil-mira; tiddetermina l-kriterji biex jiġu stipulati l-kontribuzzjonijiet annwali meta l-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond jonqsu b'tali mod li jkunu taħt il-livell fil-mira tiegħu wara l-perijodu inizjali; tiddetermina l-miżuri biex tispeċifika ċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li bihom kontribuzzjonijiet ex post jistgħu jiġu differiti temporanjament għal istituzzjonijiet individwali; u tiddetermina r-regoli dettaljati għall-amministrazzjoni tal-Fond u kriterji u prinċipji ġenerali għall-istrateġija ta' investiment tiegħu.

(114)

Il-Kunsill għandu, fil-qafas tal-atti delegati adottati taħt id-Direttiva 2014/59/UE, jadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiġi speċifikata l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet individwali għall-Fond, kif ukoll il-modalitajiet tekniċi tal-komputazzjoni tal-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskji. Din il-metodoloġija għandha tiżgura li l-element fiss kif ukoll dak aġġustat għar-riskji fil-formula għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet individwali jiġu kkontjati b'mod li jkun konsistenti mal-prinċipji ta' riżoluzzjoni u skont l-atti delegati adottati skont l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-metodoloġija għandha tqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, mingħajr ma toħloq distorsjonijiet bejn l-istrutturi tas-settur bankarju tal-Istati Membri.

(115)

Kif rifless fid-Dikjarazzjoni Nru 39 dwar l-Artikolu 290 tat-TFUE, il-Kummissjoni, skont il-prassi stabbilita, fit-tħejjija tal-abbozzi ta' atti delegati previsti minn dan ir-Regolament, għandha tkompli tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni, fejn ikun rilevanti, twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta' tħejjija mal-BĊE u l-Bord fl-oqsma ta' kompetenza tagħhom.

(116)

L-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f'dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi. Madankollu, minħabba li l-informazzjoni miksuba mill-Bord, mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess tar-riżoluzzjoni x'aktarx tkun sensittiva, qabel ma d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni tkun magħmula pubblika, dik l-informazzjoni għandha tiġi soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali. Il-fatt li l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u r-riżultat ta' kwalunkwe valutazzjoni ta' dawk il-pjanijiet jista' jkollhom effetti b'firxa wiesgħa, b'mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati għandu jiġi kkunsidrat. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta' deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex sodisfatti, dwar l-użu ta' għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Madankollu, informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista' tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta' tali informazzjoni, bħalma huma l-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u r-riżultat ta' kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f'dak il-kuntest.

(117)

Biex tinżamm il-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-Bord, il-membri u l-persunal tiegħu, inkluż il-persunal ta' skambju jew issekondat mill-Istati Membri bil-għan li jwettqu doveri ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti tas-segretezza professjonali, anki wara li d-doveri tagħhom jintemmu. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għal persuni oħra awtorizzati mill-Bord, lil persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri sabiex jagħmlu ispezzjonijiet fil-post, u għal osservaturi mistiedna biex jattendu l-laqgħat tas-sessjonijiet plenarji u eżekuttivi tal-Bord u għall-osservaturi mill-Istai Membri mhux parteċipanti li jieħdu sehem fit-timijiet ta' riżoluzzjoni interna. Bil-għan li jwettaq il-kompiti mogħtija lilu minn dan ir-Regolament, il-Bord għandu jkun awtorizzat, soġġett għal kondizzjonijiet, li jiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali jew tal-Unjoni.

(118)

Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ikun assimilat fis-SESF, ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 għandu jiġi emendat sabiex jinkludi l-Bord fil-kunċett tal-awtoritajiet kompetenti stabbiliti minn dak ir-Regolament. Din l-assimilazzjoni tal-Bord u l-awtoritajiet kompetenti skont ir-Regolament Nruo1093/2010 hija konsistenti mal-funzjonijiet attribwiti lill-ABE skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1093/2010 biex tikkontribwixxi lejn u tipparteċipa attivament fl-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta' rkupru u riżoluzzjoni u li jkollha l-għan li tiffaċilita r-riżoluzzjoni ta' entitajiet li qed ifallu u partikolarment ta' gruppi transkonfinali.

(119)

Sakemm il-Bord isir operattiv għalkollox, il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-operazzjonijiet inizjali inkluż il-ħatra ta' President interim biex jawtorizza l-pagamenti meħtieġa kollha f'isem il-Bord.

(120)

L-SRM ilaqqa' flimkien lill-Bord, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li tirrieżamina l-legalità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni skont l-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll biex tiġi determinata r-responsabilità mhux kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 267 TFUE, għandha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni. L-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom ikunu kompetenti, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jirrieżaminaw il-legalità ta' deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom minn dan ir-Regolament, kif ukoll biex jiddeterminaw i r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom.

(121)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta, u b'mod partikolari d-dritt għall-propjetà, il-protezzjoni ta' data personali, il-libertà ta' impriża, id-dritt għal rimedju effikaċi u għal smigħ ġust u d-dritt għal difiża, u għandu jiġi implimentat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(122)

Ladarba l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta' qafas Ewropew uniku għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet u li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli tar-riżoluzzjoni, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, din tista' tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(123)

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament biex tivvaluta l-impatt tiegħu fuq is-suq intern u biex tiddetermina jekk humiex meħtieġa modifiki jew żviluppi ulterjuri biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-SRM, b'mod partikolari jekk hux meħtieġ li l-Unjoni bankarja titwettaq mal-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni ta' proċeduri ta' insolvenza għal istituzzjonijiet li jfallu.

(124)

It-trasferiment ta' kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali skont dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Fond jopera u b'hekk, li l-għodod ta' riżoluzzjoni jiġu applikati b'mod effettiv. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fir-rigward tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-kontribuzzjonijiet għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016. Minn Diċembru 2015, għandha tkun tista' tiġi posposta b'perijodi ta' xahar fejn il-kondizzjonijiet li jippermettu t-trasferiment tal-kontribuzzjonijiet miġbura fil-livell nazzjonali ma jkunux ġew sodisfatti.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti msemmija fl-Artikolu 4.

Dawn ir-regoli uniformi u dik il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni stabbilit skont l-Artikolu 42 (“il-Bord”) flimkien mal-Kunsill u l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fil-qafas tal-mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni (SRM, “single resolution mechanism”) stabbilit minn dan ir-Regolament. L-SRM għandu jkun sostnut minn fond uniku ta' riżoluzzjoni (“il-Fond”).

L-użu tal-Fond għandu jkun kontinġenti fuq id-dħul fis-seħħ ta' ftehim fost l-Istati Membri parteċipanti (“il-Ftehim”) dwar it-trasferiment ta' fondi li jinġabru fil-livell nazzjonali għall-Fond kif ukoll dwar il-fużjoni progressiva tal-fondi differenti li jinġabru fil-livell nazzjonali biex jiġu allokati lill-kompartimenti nazzjonali tal-Fond.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a)

istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti f' Stat Membru parteċipanti;

(b)

impriżi prinċipali, inklużi kumpaniji holding finanzjarji u kumpaniji holding finanzjarji mħallta. stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti, fejn ikunu soġġetti għal superviżjoni konsolidata mwettqa mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(c)

ditti ta' investiment u istituzzjonijiet finanzjarji stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti meta jkunu koperti mis-superviżjoni konsolidata tal-impriża prinċipali mwettqa mill-BĊE skont l-Artikolu 4(1)(g) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti kif definita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(2)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif definita fl-Artikolu 4(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(3)

“awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni” tfisser awtorità maħtura minn Stat Membru parteċipanti skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE;

(4)

“awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti” tfisser awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' Stat Membru parteċipanti fejn hi stabbilita entità jew entità tal-grupp;

(5)

“kondizzjonijiet ta' riżoluzzjoni” tfisser il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1);

(6)

“pjan ta' riżoluzzjoni” tfisser pjan imfassal skont l-Artikolu 8 jew 9;

(7)

“pjan ta' riżoluzzjoni ta' grupp” tfisser pjan għal riżoluzzjoni ta' grupp imfassal skont l-Artikoli 8 jew 9;

(8)

“għanijiet ta' riżoluzzjoni” tfisser l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14;

(9)

“għodda ta' riżoluzzjoni” tfisser għodda ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2);

(10)

“azzjoni ta' riżoluzzjoni” tfisser id-deċiżjoni li entità msemmija fl-Artikolu 2 titpoġġa taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18, l-applikazzjoni ta' għodda ta' riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju ta' setgħa jew setgħat ta' riżoluzzjoni;

(11)

“depożiti koperti” tfisser depożiti kif definit fl-Artikolu 2(1)(5) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(12)

“depożiti eliġibbli” tfisser depożiti eliġibbli kif definit fl-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(13)

“istituzzjoni” tfisser istituzzjoni ta' kreditu jew ditta ta' investiment koperta minn superviżjoni konsolidata skont l-Artikolu 2(c);

(14)

“istituzzjoni taħt riżoluzzjoni” tfisser entità msemmija fl-Artikolu 2, li fir-rigward tagħha qed tittieħed azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(15)

“istituzzjoni finanzjarja” tfisser istituzzjoni finanzjarja kif definit fl-Artikolu 4(1)(26) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(16)

“kumpanija holding finanzjarja” tfisser istituzzjoni finanzjarja kif definit fil-punt (20) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(17)

“kumpanija holding finanzjarja mħallta” tfisser kumpanija holding finanzjarja mħallta kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1)tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(18)

“kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-Unjoni” tfisser kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-Unjoni kif definita fil-punt (31) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(19)

“istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni'” tfisser istituzzjoni prinċipali tal-Unjoni kif definita fil-punt (29) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(20)

“intrapriża prinċipali” tfisser intrapriża prinċipali kif definit fil-punt (15)(a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(21)

“sussidjarja” tfisser sussidjarja kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(22)

“fergħa” tfisser fergħa kif definit fil-punt (17) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(23)

“grupp” tfisser impriża prinċipali u s-sussidjarji tagħha, li huma entitajiet kif imsemmi fl-Artikolu 2;

(24)

“grupp transkonfinali” tfisser grupp li għandu entitajiet kif imsemmija fl-Artikolu 2 stabbiliti f'aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed;

(25)

“bażi kkonsolidata” tfisser il-bażi tas-sitwazzjoni kkonsolidata kif definit fil-punt (47) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(26)

“is-superviżur li jikkonsolida” tfisser is-superviżur li jikkonsolida kif definit fil-punt (41) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(27)

“awtorità tar-riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp” tfisser l-awtorità ta' riżoluzzjoni fl-Istat Membru parteċipanti fejn l-istituzzjoni jew impriża prinċipali soġġetta għas- superviżjoni konsolidata fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi Stati Membri parteċipanti skont l-Artikolu 111 tad-Direttiva 2013/36/EU huwa stabbilit;

(28)

“skema ta' protezzjoni istituzzjonali” jew “IPS”, tfisser arranġament li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(29)

“għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja” tfisser għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, jew kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika oħra fil-livell supranazzjonali, li jekk tiġi pprovduta fil-livell nazzjonal tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li tiġi pprovduta sabiex tiġi ppreservata jew tinġieb lura l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament jew ta' grupp li tali entità tagħmel parti minnu;

(30)

“għodda tal-bejgħ ta' operat” tfisser il-mekkaniżmu biex isir it-trasferiment minn awtorità ta' riżoluzzjoni, ta' strumenti ta' sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja, skont l-Artikolu 24;

(31)

“għodda ta' istituzzjoni tranżitorja” tfisser il-mekkaniżmu għat-trasferiment ta' strumenti oħra ta' sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil istituzzjoni tranżitorja, skont l-Artikolu 25;

(32)

“għodda ta' separazzjoni tal-assi” tfisser il-mekkaniżmu biex isir trasferiment ta' assi, drittijiet jew obbligazzjonijet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lejn mezz ta' mmaniġġjar tal-assi skont l-Artikolu 26;

(33)

“għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna” tfisser il-mekkaniżmu biex jiġu eżerċitati s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni fir-rigward ta' obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont l-Artikolu 27;

(34)

“mezzi finanzjarji disponibbli” tfisser il-flus kontanti, id-depożiti, l-assi u l-impenji irrevokabbli ta' pagament disponibbli għall-Fond għall-għanijiet elenkati fl-Artikolu 76(1);

(35)

“livell immirat” tfisser l-ammont ta' mezzi finanzjarji disponibbli li għandu jintlaħaq skont l-Artikolu 69(1).

(36)

“Ftehim” tfisser il-ftehim dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond;

(37)

“perijodu ta' tranżizzjoni” tfisser il-perijodu mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament kif determinat skont l-Artikolu 99(2) u (6) sakemm il-Fond jilħaq il-livell immirat jew sal-1 ta' Jannar 2024, skont liema minnhom jiġi l-ewwel;

(38)

“strument finanzjarju” tfisser strument finanzjarju kif definit fil-punt (50) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(39)

“strumenti ta' dejn” tfisser bonds u forom oħra ta' dejn trasferibbli, strumenti li joħolqu jew jirrikonoxxu dejn, u strumenti li jagħtu drittijiet għall-akkwist ta' strumenti ta' dejn;

(40)

“fondi proprji” tfisser fondi proprji kif definit fil-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(41)

“rekwiżiti ta' fondi proprji” tfisser rekwiżiti kif stipulat fl-Artikoli 92 sa 98 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(42)

“stralċ” tfisser ir-realizzazzjoni ta' assi ta' entità msemmija fl-Artikolu 2;

(43)

“derivattiv”, tfisser derivattiv kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(44)

“setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni” tfisser is-setgħat imsemmija fl-Artikolu 21;

(45)

“Strumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni” tfisser strumenti kapitali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 28(1) sa (4), fl-Artikolu 29(1) sa (5) jew fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(46)

“Strumenti addizzjonali tal-Grad 1” tfisser strumenti kapitali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(47)

“Strumenti tal-Grad 2” tfisser strumenti kapitali jew dejn subordinat li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(48)

“ammont aggregat” tfisser l-ammont aggregat li għalih l-awtorità ta' riżoluzzjoni vvalutat li l-obbligazzjonijiet eliġibbli trid issirilhom valwazzjoni negattiva jew jiġu kkonvertiti, skont l-Artikolu 27(13);

(49)

“obbligazzjonijiet eliġibbli” tfisser obbligazzjonijiet u strumenti kapitali li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, jew bħala strumenti addizzjonali tal-Grad 1 jew tal-Grad 2 ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 li mhumiex esklużi mill-ambitu tal-għodda ta' valwazzjoni negattiva bis-saħħa tal-Artikolu 27(3);

(50)

“skema ta' garanzija tad-depożiti” tfisser skema ta' garanzija tad-depożiti introdotta u uffiċjalment rikonoxxuta minn Stat Membru skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/49/UE 2014/49/UE;

(51)

“strumenti kapitali rilevanti” tfisser strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u strumenti tal-Grad 2;

(52)

“bond kopert” tfisser strument kif imsemmi fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(53)

“depożitant” tfisser depożitant kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/49/UE;

(54)

“investitur” tfisser investitur fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14).

2.   Fin-nuqqas ta' definizzjoni rilevanti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/59/UE. Fin-nuqqas ta' definizzjoni rilevanti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/59/UE, japplikaw id-definizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Artikolu 4

Stati Membri parteċipanti

1.   Stati Membri parteċipanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 għandhom ikunu kkonsidrati Stati Membri parteċipanti għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

2.   Fejn il-kooperazzjoni mill-qrib bejn Stat Membru u l-BĊE tiġi sospiża jew terminata skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-entitajiet stabbiliti f'dak l-Istat Membri m'għandhomx jibqgħu jkunu koperti minn dan ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni tad-deċiżjoni.sabiex tiġi sospiża jew terminata l-kooperazzjoni mill-qrib.

3.   F'każ li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE ta' Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro tiġi terminata f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord għandu jiddeċiedi fi żmien tliet xhur wara d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni ta' kooperazzjoni mill-qrib, bi ftehim ma' dak l-Istat Membru, dwar il-modalitajiet għall-irkupru tal-kontribuzzjonijiet li l-Istat Membru kkonċernat ikun ittrasferixxa lill-Fond u dwar kwalunkwe kondizzjoni applikabbli.

L-irkupri għandhom jinkludu l-parti tal-kompartiment li tikkorrispondi għall-Istat Membru kkonċernat li mhijiex soġġetta għall-mutwalizzazzjoni. Jekk matul il-perijodu tranżitorju, kif stabbilit fil-Ftehim, l-irkupru tal-parti mhux mutwalizzata ma jkunx biżżejjed sabiex jippermetti l-finanzjament tal-istabbiliment, min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, tal-arranġament finanzjarju nazzjonali tiegħu f'konformità mad-Direttiva 2014/59/UE, l-irkupri għandhom jinkludu wkoll it-total jew parti tal-parti tal-kompartiment li tikkorrispondi għal dak l-Istat Membru soġġett għal mutwalizzazzjoni skont il-Ftehim jew inkella, wara l-perijodu ta' tranżizzjoni, it-total jew parti tal-kontribuzzjonijiet trasferiti mill-Istat Membru kkonċernat waqt il-kooperazzjoni mill-qrib, f'ammont suffiċjenti li jippermetti l-finanzjament ta' dak l-arranġament finanzjarju nazzjonali.

Fl-evalwazzjoni tal-ammont ta' mezzi finanzjarji li għandhom jiġu rkuprati mill-parti mutwalizzata jew inkella, wara l-perijodu ta' tranżizzjoni, mill-Fond, għandu jittieħed kont tal-kriterji addizzjonali li ġejjin:

(a)

il-mod kif saret it-terminazzjoni tal-kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE, jekk seħħx b'mod volontarju, skont l-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, jew le;

(b)

l-eżistenza ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jkunu għaddejjin fid-data tat-terminazzjoni;

(c)

iċ-ċiklu ekonomiku tal-Istat Membru kkonċernat mid-data tat-terminazzjoni.

L-irkupri għandhom jitqassmu matul perjodu limitat proporzjonat mat-tul ta' żmien tal-kooperazzjoni mill-qrib. Is-sehem tal-Istat Membru rilevanti tal-mezzi finanzjarji mill-Fond użati għal azzjonijiet ta' riżoluzzjoni matul il-perijodu ta' kooperazzjoni mill-qrib għandu jitnaqqas minn dawk l-irkupri.

4.   Dan ir-Regolament għandu jkompli japplika għall-proċedimenti ta' riżoluzzjoni li jkunu għadhom għaddejjin sad-data tal-applikazzjoni ta' deċiżjoni kif imsemmija fil-paragrafu 2.

Artikolu 5

Relazzjoni mad-Direttiva 2014/59/UE u l-liġi nazzjonali applikabbli

1.   Fejn, skont dan ir-Regolament, il-Bord iwettaq kompiti u jeżerċita setgħat, li skont id-Direttiva 2014/59/UE għandhom jiġu mwettqa jew eżerċitati mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, il-Bord, għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u tad-Direttiva 2014/59/UE, għandu jitqies li huwa l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti jew, fil-każ ta' riżoluzzjoni tal-grupp transkonfinali, l-awtorità ta' riżoluzzjoni rilevanti fil-livell ta' grupp.

2.   Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jieħdu deċiżjonijiet soġġetti għal u f'konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u b'mod partikolari kwalunkwe att leġislattiv u mhux leġislattiv, inklużi dawk imsemmija fl-Artikoli 290 u 291 TFUE.

Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu soġġetti għal standards tekniċi regolatorji u implimentattivi vinkolanti żviluppati mill-ABE u adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 10 sa 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 u kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ABE skont l-Artikolu 16 ta' dak ir-Regolament. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma' kwalunkwe linji gwida u rakkomandazzjoni tal-ABE li huma relatati ma' kompiti tali li għandhom jitwettqu minn dawn il-korpi. Fil-każ fejn dawn ma jikkonformawx jew m'għandhomx il-ħsieb jikkonformaw ma' tali linji gwida jew rakkomandazzjonijiet, l-ABE għandha tiġi infurmata dwar dan skont l-Artikolu 16(3) ta' dak ir-Regolament. Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mal-ABE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 25 u 30 ta' dak ir-Regolament. Il-Bord għandu wkoll ikun soġġett għal kwalunkwe deċiżjoni tal-ABE skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, il-każ fejn id-Direttiva 2014/59/UE tkun tipprovdi għal tali deċiżjonijiet.

Artikolu 6

Prinċipji ġenerali

1.   L-ebda azzjoni, proposta jew politika tal-Bord, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma għandha tiddiskrimina kontra entitajiet, detenturi ta' depożiti, investituri jew kredituri oħra stabbiliti fl-Unjoni minħabba n-nazzjonalità jew il-post tal-operat tagħhom.

2.   Kull azzjoni, proposta jew politika tal-Bord, il-Kunsill, tal-Kummissjoni jew ta' awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni għandha tittieħed b'konsiderazzjoni sħiħa u fi dmir ta' diliġenza għall-unità u l-integrità tas-suq intern.

3.   Meta jittieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet, li jista' jkollhom impatt f'aktar minn Stat Membru wieħed, u partikolarment meta jittieħdu deċiżjonijiet fir-rigward ta' gruppi stabbiliti f'żewġ Stati Membri jew aktar, għandhom jitqiesu kif dovut l-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 u l-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

l-interessi tal-Istati Membri fejn il-grupp jopera u partikolarment l-impatt ta' kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja, ir-riżorsi fiskali, l-ekonomija, il-Fond u l-arranġamenti ta' finanzjament, l-iskema ta' garanzija tad-depożiti jew l-iskema ta' kumpens għall-investituri ta' kwalunkwe minn dawn l-Istati Membri u l-Fond;

(b)

l-objettiv li jiġu bbilanċjati l-interessi ta' diversi Stati Membri involuti u li jiġi evitat li jiġu ppreġudikati jew protetti inġustament l-interessi ta' Stat Membru;

(c)

il-ħtieġa li jiġi minimizzat l-impatt negattiv fuq kwalunkwe parti ta' grupp li tiegħu hija membru entità msemmija fl-Artikolu 2, li hija soġġetta għal riżoluzzjoni.

4.   Matul it-teħid ta' deċiżjonijiet jew ta' azzjonijiet, partikolarment fir-rigward ta' entitajiet jew gruppi stabbiliti kemm fi Stat Membru parteċipanti u kemm fi Stat Membru mhux parteċipanti, għandhom jitqiesu l-effetti negattivi possibbli fuq l-Istati Membri mhux parteċipanti, inklużi fuq entitajiet stabbiliti f'dawn l-Istati Membri.

5.   Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jibbilanċjaw il-fatturi msemmija fil-paragrafu 3 mal-objettivi tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 kif xieraq skont in-natura u ċ-ċirkostanzi ta' kull każ u għandhom jikkonformaw mad-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107 TFUE u fl-Artikolu 19 ta' dan ir-Regolament.

6.   Id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet tal-Bord, il-Kunsill jew tal-Kummissjoni la għandhom jeħtieġu lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja u lanqas ma għandhom jinterferixxu mas-sovranità baġitarja u r-responsabilitajiet fiskali tal-Istati Membri.

7.   Fejn il-Bord jieħu deċiżjoni li hija indirizzata lil awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandu jkollha d-dritt tispeċifika ulterjorment il-miżuri li għandhom jittieħdu. Tali speċifikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-deċiżjoni tal-Bord inkwistjoni.

Artikolu 7

It-tqassim tal-kompiti fi ħdan l-SRM

1.   Il-Bord għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-SRM.

2.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31(1), il-Bord għandu jkollu r-responsabbiltà li jfassal il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u jadotta d-deċiżjonijiet kollha relatati mar-riżoluzzjoni għal:

(a)

l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 li ma jagħmlux parti minn grupp, u l-gruppi:

(i)

li huma meqjusa bħala sinifikanti skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; jew

(ii)

li fir-rigward tagħhom il-BĊE jkun iddeċieda skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, li jeżerċita direttament is-setgħat rilevanti kollha,; u

(b)

gruppi transkonfinali oħrajn.

3.   Fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Bord b'rabta mal-kompiti konferiti lilu b'dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom iwettqu, u jkunu responsabbli għall-kompiti li ġejjin:

(a)

l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u twettiq ta' valutazzjoni tar-riżolvibbiltà skont l-Artikoli 8 u 10 u mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9;

(b)

l-adozzjoni ta' miżuri matul l-intervent bikri skont l-Artikolu 13(3);

(c)

l-applikazzjoni ta' obbligi simplifikati jew ir-rinunzja tal-obbligu ta' tfassil tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 11;

(d)

l-istabbiliment tal-livell ta' rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli, skont l-Artikolu 12;

(e)

l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni u l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni msemmiija f'dan ir-Regolament, skont il-proċeduri u s-salvagwardji rilevanti, bil-kondizzjoni li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni ma tkunx teħtieġ xi użu tal-Fond u tkun iffinanzjata esklużivament mill-għodod msemmija fl-Artikoli 21 u 24 sa 27 u/jew mill-iskema ta' garanzija tad-depożiti, skont l-Artikolu 79, u l-proċedura stipulata fl-Artikolu 31;

(f)

il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, f'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 31.

Jekk l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tkun teħtieġ l-użu tal-Fond, il-Bord għandu jadotta l-iskema ta' riżoluzzjoni.

Meta jadottaw deċiżjoni ta' riżoluzzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom iqisu u jsegwu l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 9, sakemm ma jivvalutawx, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi tar-riżoluzzjoni se jintlaħqu b'mod aktar effikaċi billi jittieħdu azzjonijiet li mhumiex previsti fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

Meta jwettqu l-kompiti msemmija f'dan il-paragrafu, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament. Kwalunkwe referenza għall-Bord fl-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(5), l-Artikolu 8(6), (8), (12) u (13), l-Artikolu 10(1) sa (10), l-Artikoli 11 sa 14, l-Artikolu 15(1), (2) u (3), l-Artikolu 16, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1), l-Artikolu 18(2) u (6), l-Artikolu 20, l-Artikolu 21(1) sa (7), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(8), l-Artikolu 21(9) u (10), l-Artikolu 22(1), (3) u (6), l-Artikoli 23 u 24, l-Artikolu 25(3), l-Artikolu 27(1) sa (15) u it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu, it-tielet subparagrafu, u l-ewwel, it-tielet u r-raba' sentenzi tar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 27(16), u l-Artikolu 32 għandhom jinqraw bħala referenzi għall-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-gruppi u l-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Għal dak il-għan l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jeżercitaw is-setgħat mogħtija lilhom skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE u skont il-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali.

L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jinfurmaw lill-Bord bil-miżuri msemmija f'dan il-paragrafu li għandhom jittieħdu u għandhom jikkoordinaw mill-qrib mal-Bord meta jieħdu dawk il-miżuri.

L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jippreżentaw il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 9, kif ukoll kwalunkwe aġġornamenti, lill-Bord, flimkien ma' valutazzjoni ġustifikata tar-riżolvibbiltà tal-entità jew grupp konċernati skont l-Artikolu 10.

4.   Fejn ikun neċessarju biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' standards ta' riżoluzzjoni għolja skont dan ir-Regolament, il-Bord jista':

(a)

b'referenza għan-notifika minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' miżura skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu skont l-Artikolu 31(1), fil-perijodu ta' żmien adegwat u b'kont meħud tal-urġenza taċ-ċirkostanzi, joħroġ twissija lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti fil-każ fejn il-Bord iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni fir-rigward ta' kwalunkwe entità jew grupp imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew mal-istruzzjonijiet ġenerali tiegħu msemmija fl-Artikolu 31(1)(a);

(b)

jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, b'mod partikolari jekk it-twissija tiegħu msemmija fil-punt (a) mhijiex qed tiġi indirizzata b'mod adegwat, fuq -inizjattiva proprja, wara li jikkonsulta l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni kkonċernata, jew fuq talba mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni kkonċernata, li jeżerċita direttament is-setgħat rilevanti kollha skont dan ir-Regolament, anke fir-rigward ta' kwalunkwe entità jew grupp imsemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Minkejja l-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li l-Bord jeżerċita s-setgħat u r-responsabbiltajiet rilevanti kollha mogħtija lilu b'dan ir-Regolament fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2, stabbiliti fit-territorju tagħhom. F'dan il-każ, m'għandhomx japplikaw il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 9, l-Artikolu 12(2), u l-Artikolu 31(1). L-Istati Membri li għandhom l-intenzjoni jagħmlu użu minn din l-għażla, għandhom jinnotifikaw lill-Bord u l-Kummissjoni kif meħtieġ. In-notifika għandu jkollha effett mid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

PARTI II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

TITOLU I

FUNZJONIJIET FL-SRM U REGOLI PROĊEDURALI

KAPITOLU 1

Ippjanar ta' riżoluzzjoni

Artikolu 8

Pjanijiet ta' riżoluzzjoni mfassla mill-Bord

1.   Il-Bord għandu jfassal u jadotta pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-entitajietu l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u għall-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn ikunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawn il-paragrafi.

2.   Il-Bord għandu jfassal il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, wara li jikkonsulta lill-BĊE jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti, inkluża l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp, tal-Istati Membri parteċipanti li fihom huma stabbiliti l-entitajiet, u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti fejn hemm fergħat sinifikanti sa fejn huwa rilevanti għall-fergħa sinifikanti. Għal dak il-għan, il-Bord jista' jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jħejju u jressqu abbozzi ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni lill-Bord, u jitlob lill-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell ta' grupp tħejji u tressaq abbozz ta' pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp lill-Bord.

3.   Biex tkun żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta' dan l-Artikolu, il-Bord għandu joħroġ linji gwida u jindirizza istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għat-tħejjija tal-abbozzi ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u għall-abbozzi ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp b'rabta ma' entitajiet jew gruppi speċifiċi.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jibagħtu lill-Bord l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ifassal u jimplimenta pjanijiet ta' riżoluzzjoni, kif miksuba minnhom skont l-Artikoli 11 u 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu.

5.   Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jistipula l-alternattivi għall-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċitar tas-setgħat ta' riżoluzzjoni msemmija f'dan ir-Regolament għall-entitajiet u l-gruppi msemmija fil-paragrafu 1.

6.   Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jipprevedi l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li jista' jieħu l-Bord meta entità jew grupp imsemmija fil-paragrafu 1 jilħqu l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 għandha tiġi żvelata lill-entità kkonċernata.

Meta jfassal u jaġġorna l-pjan ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jidentifika kull impediment materjali għar-riżolvibbiltà u, fejn ikun neċessarju u proporzjonat, jiddefinixxi l-azzjonijiet rilevanti dwar kif jistgħu jiġu indirizzati dawn l-impedimenti, skont l-Artikolu 10.

Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jqis xenarji rilevanti inkluż li l-każ ta' falliment jista' jkun idjosinkratiku jew jista' jseħħ fi żmien ta' instabbiltà finanzjarja usa' jew avvenimenti mifruxa mas-sistema kollha.

Il-pjan ta' riżoluzzjoni ma għandu jassumi l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja apparti l-użu tal-Fond stabbilit skont l-Artikolu 67;

(b)

kwalunkwe assistenza likwida ta' emerġenza minn bank ċentrali; jew

(c)

kwalunkwe assistenza likwida minn bank ċentrali pprovduta taħt termini ta' kollateral, maturità jew rata ta' interessi mhux standard.

7.   Il-pjan ta' riżoluzzjoni għandu jinkludi analiżi ta' kif u meta istituzzjoni tista' tapplika, fil-kondizzjonijiet indirizzati mill-pjan, għall-użu ta' faċilitajiet tal-bank ċentrali u għandu jidentifika dawk l-assi li jkunu mistennija jikkwalifikaw bħala kollateral.

8.   Il-Bord jista' jitlob lill-istituzzjonijiet jassistuh fit-tfassil u l-aġġornament tal-pjanijiet.

9.   Il-pjan ta' riżoluzzjoni għal kull entità għandu jinkludi, b'mod kwantifikat fejn xieraq u possibbli:

(a)

sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan;

(b)

sommarju tal-bidliet materjali fl-istituzzjoni li seħħew wara li kienet ippreżentata l-aħħar informazzjoni dwar ir-riżoluzzjoni;

(c)

turija ta' kif il-funzjonijiet kritiċi u l-linji ewlenin ta' negozju jistgħu legalment u ekonomikament jiġu separati, sal-punt meħtieġ, minn funzjonijiet oħra sabiex tiġi żgurata l-kontinwità malli tfalli l-istituzzjoni;

(d)

stima tal-limitu ta' żmien għall-eżekuzzjoni ta' kull aspett materjali tal-pjan;

(e)

deskrizzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mwettqa skont l-Artikolu 10;

(f)

deskrizzjoni ta' kwalunkwe miżura meħtieġa skont l-Artikolu 10(7) biex jiġu indirizzati jew jitneħħew l-impedimenti għar-riżolvibbiltà identifikati b'riżultat tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10;

(g)

deskrizzjoni tal-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabbiltà tal-funzjonijiet kritiċi, linji ewlenin ta' negozju u l-assi tal-istituzzjoni;

(h)

deskrizzjoni dettaljata tal-arranġamenti għall-iżgurar li l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/59/UE tiġi aġġornata u tkun għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni il-ħin kollu;

(i)

spjegazzjoni dwar kif l-alternattivi għar-riżoluzzjoni jistgħu jiġu ffinanzjati mingħajr is-suppożizzjoni ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja apparti l-użu tal-Fond stabbilit skont l-Artikolu 67;

(ii)

kwalunkwe assistenza likwida ta' emerġenza minn bank ċentrali; jew

(iii)

kwalunkwe assistenza likwida minn bank ċentrali pprovduta taħt termini ta' kollateral, maturità jew rata ta' interessi mhux standard;

(j)

deskrizzjoni dettaljata tal-istrateġiji differenti ta' riżoluzzjoni li jistgħu jiġu applikati skont ix-xenarji differenti possibbli u l-limiti ta' żmien applikabbli;

(k)

deskrizzjoni tal-interdipendenzi kritiċi;

(l)

deskrizzjoni tal-alternattivi biex jiġi preżervat l-aċċess għall-pagamenti u s-servizzi tal-ikklerjar u infrastrutturi oħra u valutazzjoni tal-portabilità tal-pożizzjonijiet tal-klijenti;

(m)

analiżi tal-impatt tal-pjan fuq l-impjegati tal-istituzzjoni, inkluża valutazzjoni ta' kwalunkwe kost assoċjat, u deskrizzjoni tal-proċeduri previsti sabiex jiġi kkonsultat il-persunal matul il-proċess ta' riżoluzzjoni, filwaqt li jiġu kkonsidrati s-sistemi nazzjonali għad-djalogu mas-sħab soċjali, fejn applikabbli;

(n)

pjan għall-komunikazzjoni mal-midja u l-pubbliku;

(o)

ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli meħtieġa skont l-Artikolu 12 u skadenza biex jintlaħaq dak il-livell, fejn applikabbli;

(p)

fejn applikabbli, ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u strumenti kuntrattwali ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 12, u skadenza biex jintlaħaq dak il-livell fejn applikabbli;

(q)

deskrizzjoni tal-operazzjonijiet u s-sistemi essenzjali biex jinżamm il-funzjonament kontinwu tal-proċessi operazzjonali tal-istituzzjoni;

(r)

fejn applikabbli, kull opinjoni espressa mill-istituzzjoni fir-rigward tal-pjan ta' riżoluzzjoni.

10.   Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jinkludu pjan għar-riżoluzzjoni tal-grupp sħiħ, immexxi mill-impriża prinċipali tal- Unjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti, jew permezz ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-impriża prinċipali tal-Unjoni jew permezz ta' firda u riżoluzzjoni tas-sussidjarji. Il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandu jidentifika l-miżuri għar-riżoluzzjoni:

(a)

tal-impriża prinċipali tal-Unjoni;

(b)

tas-sussidjarji li huma parti mill-grupp u li jkunu stabbiliti fl- Unjoni;

(c)

tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(b); u

(d)

soġġett għall-Artikolu 33, tas-sussidjarji li huma parti mill-grupp u li jkunu stabbiliti barra mill-Unjoni.

11.   Il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandu:

(a)

jistabbilixxi l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-entitajiet tal-grupp, kemm permezz ta' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(b) u l-istituzzjonijiet sussidjarji kif ukoll permezz ta' azzjonijiet koordinati ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' istituzzjonijiet sussidjarji, fix-xenarji previst fil-paragrafu 6;

(b)

jeżamina l-punt sa fejn l-għodod u s-setgħat ta' riżoluzzjoni jistgħu jiġu applikati u eżerċitati b'mod koordinat għal entitajiet tal-grupp stabbiliti fl-Unjoni, inklużi miżuri sabiex jiġi ffaċilitat ix-xiri minn parti terza tal-grupp kollu kemm hu, jew linji ta' negozju jew attivitajiet separati li huma pprovduti minn għadd ta' entitajiet tal-grupp, jew entitajiet partikolari tal-grupp, u jidentifika kwalunkwe impediment potenzjali għal riżoluzzjoni koordinata;

(c)

jinkludi deskrizzjoni dettaljata tal-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà mwettqa skont l-Artikolu 10;

(d)

fejn grupp jinkludi entitajiet inkorporati f'pajjiżi terzi, jidentifika arranġamenti adegwati għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta' dawk il-pajjiżi terzi u l-implikazzjonijiet għar-riżoluzzjoni fi ħdan l-Unjoni;

(e)

jidentifika miżuri, inkluża s-separazzjoni ġuridika u ekonomika ta' funzjonijiet jew linji ta' negozju partikolari, li huma meħtieġa sabiex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni tal-grupp fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet ta' riżoluzzjoni;

(f)

jidentifika kif jistgħu jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp u, fejn ikunu meħtieġa l-Fond u l-arranġamenti finanzjarji minn Stati Membri mhux parteċipanti stabbiliti skont l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2014/59/UE, jistabbilixxi prinċipji għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għal dak il-finanzjament bejn is-sorsi ta' finanzjament fi Stati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti differenti. Il-pjan ma għandu jassumi l-ebda waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja apparti l-użu tal-Fond stabbilit skont l-Artikolu 67 ta' dan ir-Regolament u l-arranġamenti ta' finanzjament minn Stati Membri mhux parteċipanti stabbiliti skont l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2014/59/UE,

(ii)

kwalunkwe assistenza likwida ta' emerġenza ta' bank ċentrali; jew

(iii)

kwalunkwe assistenza likwida ta' bank ċentrali pprovduta taħt termini ta' kollateral, maturità jew rata ta' interessi mhux standard.

Dawk il-prinċipji għandhom ikunu stabbiliti abbażi ta' kriterji ekwitabbli u bilanċjati u għandhom iqisu, b'mod partikolari, l-Artikolu 107(5) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kkonċernati kollha.

Il-pjan ta' riżoluzzjoni tal-grupp ma għandux ikollu impatt sproporzjonat fuq kwalunkwe Stat Membru.

12.   Il-Bord għandu jistabbilixxi d-data sa meta għandhom jitfasslu l-ewwel pjanijiet ta' riżoluzzjoni. Il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp għandhom jiġu rieżaminati, u fejn xieraq aġġornati, tal-anqas kull sena u wara kwalunkwe bidla materjali fl-istruttura ġuridika jew organizzattiva jew fl-operat jew fil-pożizzjoni finanzjarja tal-entità jew, fil-każ tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni tal-grupp, tal-grupp inkluża kwalunkwe entità tal-grupp li jista' jkollha effett materjali fuq l-effettività tal-pjan jew li toħloq il-ħtieġa ta' reviżjoni tal-pjan ta' riżoluzzjoni.

Għall-finijiet tar-reviżjoni jew tal-aġġornament tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-istituzzjonijiet, il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Bord kwalunkwe bidla li tagħmel neċessarja tali reviżjoni jew aġġornament.

13.   Il-Bord għandu jressaq il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni u kwalunkwe tibdil li jsir fihom lill-BĊE jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti.

Artikolu 9

Pjanijiet ta' riżoluzzjoni mfassla mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom ifasslu jew jadottaw pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-entitajiet u għall-gruppi, għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2), (4)(b) u (5) skont l-Artikolu 8(5) sa (13).

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom iħejju l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, wara li jikkonsultaw lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali rilevanti u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti u mhux parteċipanti, fejn hemm fergħat sinifikanti, sa fejn huwa rilevanti għall-fergħa sinifikanti.

Artikolu 10

Valutazzjoni tar-riżolvibbiltà

1.   Meta jiġu abbozzati u aġġornati l-pjanijiet ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 8, il-Bord, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti fejn jinsabu fergħat sinifikanti sakemm rilevanti għall-fergħa sinifikanti, għandu jwettaq valutazzjoni ta' kemm l-istituzzjonijiet u l-gruppi huma riżolvibbli mingħajr suppożizzjoni ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja apparti l-użu tal-Fond stabbilit skont l-Artikolu 67;

(b)

kwalunkwe assistenza likwida ta' emerġenza minn bank ċentrali; jew

(c)

kwalunkwe assistenza likwida minn bank ċentrali pprovduta taħt termini ta' kollateral, maturità jew rata ta' interessi mhux standard.

2.   Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandha tipprovdi lill-Bord bil-pjan ta' rkupru jew il-pjan ta' rkupru tal-grupp. Il-Bord għandu jeżamina l-pjan ta' rkupru bil-ħsieb li jidentifika kwalunkwe azzjoni fil-pjan ta' rkupru li jista' jkollha impatt avvers fuq ir-riżolvibbiltà tal-istituzzjoni jew grupp u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-BĊE jew lill-awtorità nazzjonali kompetenti dwar dawk il-kwistjonijiet.

3.   Meta jabbozza pjan ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jivvaluta l-punt sa fejn din l-entità hija riżolvibbli skont dan ir-Regolament. Entità għandha titqies riżolvibbli jekk ikun fattibbli u kredibbli għall-Bord li jew jillikwidaha skont proċedimenti normali ta' insolvenza jew jirriżolviha billi japplikalha għodod ta' riżoluzzjoni u jeżerċita setgħat ta' riżoluzzjoni filwaqt li jevita, sa fejn massimament possibbli, kwalunkwe konsegwenzi avversi sinifikanti għas-sistemi finanzjarji, fosthom ċirkostanzi ta' instabbiltà finanzjarja usa' jew avvenimenti mas-sistema kollha, tal-Istat Membru li fih tinsab l-entità, jew Stati Membri oħra, jew l-Unjoni u bil-ħsieb li jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi li twettaq l-entità.

Il-Bord għandu jinnotifika lill-ABE fil-ħin fejn istituzzjoni titqies li mhijiex riżolvibbli.

4.   Grupp għandu jitqies riżolvibbli jekk ikun fattibbli u kredibbli għall-Bord li jwettaq stralċ ta' entitajiet tal-grupp skont proċedimenti normali ta' insolvenza jew li jirrisolvi l-entitajiet tal-grupp billi japplika għodod ta' riżoluzzjoni u jeżerċità setgħat ta' riżoluzzjoni għall-fir-rigward ta' entitajiet tal-grupp filwaqt li jevita, sal-massimu possibli, kwalunkwe konsegwenza avversa sinifikanti fuq is-sistemi finanzjarji, inkluż f'ċirkostanzi ta' instabbiltà finanzjarja usa' jew avvenimenti mifruxa mas-sistema kollha, tal-Istati Membru fejn huma stabbiliti l-entitajiet tal-grupp, jew ta' Stati Membri oħrajn jew tal-Unjoni u bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi mwettqa minn dawn l-entitajiet, meta jistgħu jiġu separati faċilment fil-ħin jew b'mezzi oħra.

Il-Bord għandu jinnotifika lill-ABE fil-ħin fejn grupp ikun jitqies mhux riżolvibbli.

5.   Għall-finijiet tal-paragrafi 3, 4 u 10, konsegwenzi avversi sinifikanti għas-sistema finanzjarja jew theddida fuq l-istabbiltà finanzjarja jirreferu għal sitwazzjoni fejn is-sistema finanzjarja tkun realment jew potenzjalment esposta għal interruzzjoni li tista' twassal għal diffikultà finanzjarja li kapaċi titfa' f'riskju l-funzjonament tajjeb, l-effiċjenza u l-integrità tas-suq intern jew l-ekonomija jew is-sistema finanzjarja ta' Stat Membru wieħed jew aktar. Fid-determinazzjoni ta' konsegwenzi avversi sinifikanti, il-Bord għandu jqis it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-BERS u l-kriterji rilevanti żviluppati mill-ABE meta jqis l-identifikazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku.

6.   Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu, il-Bord għandu jeżamina il-kwistjonijiet speċifikati fit-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE.

7.   Jekk, skont valutazzjoni tar-riżolvibbiltà ta' entità jew grupp imwettqa skont il-paragrafu 3 jew 4, il-Bord, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-BĊE, jiddetermina li hemm impedimenti sostanzjali għar-riżolvibbiltà ta' dik l-entità jew grupp, il-Bord għandu jħejji rapport, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, indirizzat lill-istituzzjoni jew lill-impriża prinċipali li janalizza l-impedimenti sostanzjali għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni. Dak ir-rapport għandu jikkonsidra l-impatt fuq il-mudell tal-operat tal-istituzzjoni u jirrakkomanda kwalunkwe miżura proporzjonata u mmirata li, fl-opinjoni tal-Bord, hija meħtieġa jew xierqa sabiex jitneħħew dawk l-impedimenti skont il-paragrafu 10.

8.   Ir-rapport għandu jiġi nnotifikat ukoll lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti li fihom ikunu jinsabu fergħat sinifikanti tal-istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp. Għandu jkun sostnut bir-raġunijiet għall-valutazzjoni jew id-determinazzjoni inkwistjoni u għandu jindika kif il-valutazzjoni jew id-determinazzjoni tikkonforma mar-rekwiżit tal-applikazzjoni proporzjonata stipulat fl-Artikolu 6.

9.   Fi żmien erba' xhur mid-data tal-wasla tar-rapport, l-entità jew l-impriża prinċipali għandhom jipproponu lill-Bord miżuri possibbli biex jindirizzaw jew ineħħu l-impedimenti sostantivi identifikati fir-rapport. Il-Bord għandu jikkomunika kwalunkwe miżura proposta mill-entità jew l-impriża prinċipali, lill-awtoritajiet kompetenti, lill-ABE u, fil-każ fejn fergħat sinifikanti ta' istituzzjonijiet li mhumiex parti minn grupp ikunu jinsabu fi Stati Membri mhux parteċipanti, lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' dawk l-Istati Membri.

10.   Il-Bord, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti, għandu jivvaluta jekk il-miżuri msemmija fil-paragrafu 9 jindirizzawx effettivament jew ineħħux l-impedimenti sostantivi inkwistjoni. Jekk il-miżuri proposti mill-entità jew l-impriża prinċipali kkonċernata effettivament ma jnaqqsux jew ineħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, il-Bord għandu jieħu deċiżjoni, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti u, fejn xieraq, l-awtorità makroprudenzjali maħtura, li tindika li l-miżuri proposti ma jnaqqsux jew ineħħu effettivament l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jitolbu lill-istituzzjoni, l-impriża prinċipali jew kwalunkwe sussidjarja tal-grupp konċernat, biex tieħu kwalunkwe miżura elenkata fil-paragrafu 11.

Fl-identifikazzjoni ta' miżuri alternattivi, il-Bord għandu juri kif il-miżuri proposti mill-istituzzjoni ma jkunux kapaċi jneħħu l-impedimenti għar-riżolvibbiltà u kif il-miżuri alternattivi proposti huma proporzjonati sabiex ineħħuhom. Il-Bord għandu jikkonsidra t-theddida għall-istabbiltà finanzjarja li jippreżentaw dawn l-impedimenti għar-riżolvibbiltà, u l-effett tal-miżuri fuq l-operat tal-istituzzjoni, fuq l-istabbiltà u l-abbiltà tagħha li tagħti kontribut lill-ekonomija, fuq is-suq intern tas-servizzi finanzjarji u fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Stati Membri oħra u l-Unjoni kollha kemm hi.

Il-Bord għandu jqis ukoll il-ħtieġa li jiġi evitat kwalunkwe impatt fuq l-istituzzjoni jew il-grupp konċernat li jmur lil hinn minn dak neċessarju biex jitneħħa l-impediment għar-riżolvibbiltà jew ikun sproporzjonat.

11.   Għall-finijiet tal-paragrafu 10, il-Bord, għandu, fejn applikabbli, jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)

li jeħtieġu lill-entità tirrevedi kwalunkwe ftehim ta' finanzjament intragrupp jew teżamina mill-ġdid in-nuqqas ta' tali ftehimiet, jew tħejji ftehimiet ta' servizz (kemm jekk fi ħdan il-grupp jew ma' partijiet terzi) sabiex jiġi kopert l-għoti ta' funzjonijiet kritiċi;

(b)

li jeħtieġu lill-entità tillimita l-iskoperturi individwali u aggregati massimi tagħha;

(c)

li jimponu rekwiżiti speċifiċi jew regolari ta' informazzjoni addizzjonali rilevanti għall-finijiet ta' riżoluzzjoni;

(d)

li jeħtieġu lill-entità teħles minn assi speċifiċi;

(e)

li jeħtieġu lill-entità tillimita jew twaqqaf attivitajiet eżistenti speċifiċi jew proposti;

(f)

li jirrestrinġu jew jimpedixxu l-iżvilupp jew l-eżistenza ta' linji ta' operat ġodda jew eżistenti jew il-bejgħ ta' prodotti ġodda jew eżistenti;

(g)

li jeħtieġu bidliet fl-istrutturi ġuridiċi jew operazzjonali tal-entità jew kwalunkwe entità tal-grupp, kemm direttament kif ukoll indirettament taħt il-kontroll tagħhom, biex titnaqqas il-kumplessità sabiex jiġi żgurat li l-funzjonijiet kritiċi jkunu jistgħu jiġu sseparati legalment u operazzjonalment minn funzjonijiet oħra permezz tal-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni;

(h)

li jeħtieġu lil entità tistabbilixxi kumpanija holding finanzjarja prinċipali fi Stat Membru jew kumpanija holding finanzjarja prinċipali tal-Unjoni;

(i)

li jeħtieġu lil entità toħroġ obbligazzjonijiet eliġibbli biex tilħaq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12;

(j)

li jeħtieġu lil entità tieħu passi oħrajn biex tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 12, inkluż b'mod partikolari billi tipprova tinnegozja mill-ġdid kwalunkwe obbligazzjoni eliġibbli, Strument tal-Grad 1 jew sStrument tal-Grad 2 addizzjonali li tkun ħarġet, bil-għan li jiġi żgurat li kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord li tniżżel il-valur jew tikkonverti dik l-obbligazzjoni u dak l-istrument tkun effettiva skont il-liġi tal-ġurisdizzjoni li tirregola dik l-obbligazzjoni jew dak l-istrument.

Fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jieħdu direttament il-miżuri msemmija fil-punti (a) sa (j) tal-ewwel subparagrafu.

12.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord skont l-Artikolu 29.

13.   Deċiżjoni li ssir skont il-paragrafi 10 jew 11 għandha tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandha tiġi ġustifikata b'raġunijiet għall-valutazzjoni jew id-determinazzjoni inkwistjoni;

(b)

għandha tindika kif dik il-valutazzjoni jew id-determinazzjoni tikkonforma mar-rekwiżit għall-applikazzjoni proporzjonata stipulat fil-paragrafu 8.

Artikolu 11

Obbligi simplifikati għal ċerti istituzzjonijiet

1.   Il-Bord, fuq inizjattiva tiegħu stess wara li jikkonsulta mal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jista' japplika obbligi simplifikati fir-rigward tal-abbozzar tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 8 jew jista' jneħħi l-obbligu tal-abbozzar ta' dawk il-pjanijiet skont il-paragrafi 3 sa 9 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jistgħu jipproponu lill-Bord biex japplika obbligi simplifikati lill-istituzzjonijiet jew lill-gruppi skont il-paragrafi 3 u 4 jew biex ineħħi l-obbligu tal-abbozzar ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont il-paragrafu 7. Dik il-proposta għandha tkun motivata u għandha tkun sostnuta mid-dokumentazzjoni rilevanti kollha.

3.   Mal-wasla ta' proposta għall-applikazzjoni ta' obbligi simpifikati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew meta jaġixxi b'inizjattiva tiegħu stess, il-Bord għandu jwettaq valutazzjoni tal-istituzzjoni jew il-grupp kkonċernati u għandu japplika obbligi simplifikati, jekk il-falliment tal-istituzzjoni jew il-grupp ma jkunx mistenni li jħalli konsegwenzi avversi sinifikanti ghas-sistema finanzjarja jew tkun theddida għall-istabbiltà finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 10(5).

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bord għandu jqis:

(a)

in-natura tan-negozju tal-istituzzjoni jew tal-grupp, l-istruttura tas-sjieda tal-ishma tagħhom, il-forma ġuridika, il-profil ta' riskju, id-daqs u l-istatus ġuridiku, l-interkonnettività li għandhom ma' istituzzjonijiet oħra jew mas-sistema finanzjarja b'mod ġenerali, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

is-sħubija tagħhom ma' IPS jew ma' sistemi kooperattivi ta' solidarjetà reċiproka kif imsemmi fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

kwalunkwe twettiq ta' servizzi jew attivitajiet ta' investiment kif definit fl-Artikolu 4(1)(2) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15); u

(d)

jekk il-falliment u l-istralċ sussegwenti tagħhom skont proċedimenti normali ta' insolvenza humiex mistennija jħallu effett negattiv sinifikanti fuq is-swieq finanzjarji, fuq istituzzjonijiet oħra, fuq il-kondizzjonijiet ta' finanzjament jew fuq l-ekonomija aktar ġenerali.

Il-Bord għandu jagħmel il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu wara konsultazzjoni, fejn xieraq, l-awtorità nazzjonali makroprudenzjali u, fejn xieraq, mal-BERS.

4.   Fl-applikazzjoni ta' obbligi simplifikati, il-Bord għandu jiddetermina:

(a)

il-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 8;

(b)

id-data sa meta għandhom jitfasslu l-ewwel pjanijiet ta' riżoluzzjoni, u l-frekwenza għall-aġġornament tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, li tista' tkun anqas minn dik prevista fl-Artikolu 8(12);

(c)

il-kontenut u d-dettalji tal-informazzjoni meħtieġa mill-istituzzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 8(9) ta' dan ir-Regolament u fit-Taqsima B tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

il-livell ta' dettall għall-valutazzjoni tar-riżolvibbiltà skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament u t-Taqsima C tal-Anness għad-Direttiva 2014/59/UE.

5.   L-applikazzjoni tal-obbligi simplifikati ma għandhiex minnha nnifisha taffettwa s-setgħa tal-Bord li jieħu kwalunkwe azzjoni ta' riżoluzzjoni.

6.   Fejn jiġu applikati obbligi simplifikati, il-Bord għandu jimponi obbligi sħaħ u mhux simplifikati fi kwalunkwe ħin, jekk kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li kienet tiġġustifikahom ma tibqax teżisti.

7.   Mingħajr preġudizzju għal-Artikoli 9 u 31, hekk kif jirċievi proposta għat-tneħħija tal-obbligu ta' abbozzar tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew meta jaġixxi fuq inizjattiva proprja, il-Bord, skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandu jirrinunzja l-applikazzjoni tal-obbligu tal-abbozzar ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni lil istituzzjonijiet affiljati ma' korp ċentrali u eżentati għal kollox jew parzjalment mir-rekwiżiti prudenzjali fil-liġi nazzjonali skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Fejn tiġi konċessa rinunzja skont l-ewwel subparagrafu, l-obbligu ta' abbozzar tal-pjan ta' riżoluzzjoni għandu japplika fuq bażi konsolidata għall-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati miegħu fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għal dak il-għan, kwalunkwe referenza f'dan il-Kapitolu għal grupp għandha tinkludi korp ċentrali u istituzzjonijiet affiljati miegħu fis-sens tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u s-sussidjarji tagħhom, u kwalunkwe referenza għal impriżi prinċipali jew istituzzjonijiet li huma soġġetti għal superviżjoni konsolidata skont l-Artikolu 111 tad-Direttiva 2013/36/UE għandha tinkludi l-korp ċentrali.

8.   Istituzzjonijiet soġġetti għal superviżjoni diretta mill-BĊE skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jew li jikkostitwixxu sehem sinifikanti mis-sistema finanzjarja ta' Stat Membru parteċipanti għandhom ikunu soġġetti għal pjanijiet ta' riżoluzzjoni individwali.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-operazzjonijiet ta' istituzzjoni għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu sehem sinifikanti tas-sistema finanzjarja ta' dak l-Istat Membru parteċipanti meta:

(a)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbżu EUR 30 000 000 000; jew

(b)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha mill-PDG tal-Istat Membru tal-istabbiliment jaqbeż l-20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx anqas minn EUR 5 000 000 000.

9.   Fejn l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni li tkun ipproponiet l-applikazzjoni tal-obbligi ssimplifikati jew tat rinunzja skont il-paragrafu 2 tqis li d-deċiżjoni li tapplika obbligi ssimplifikati jew li tati rinunzja jridu jiġu rtirati, għandha tissottometti proposta lill-Bord għal dak il-għan. F'dak il-każ il-Bord għandu jieħu deċiżjoni dwar l-irtirar propost filwaqt li jqis bis-sħiħ il-ġustifikazzjoni tal-irtirar ippreżentata mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni fid-dawl tal-fatturi u cirkostanzi msemmija fil-paragrafi 3 jew fil-pararafi 7 u 8.

10.   Il-Bord għandu jinforma lill-ABE bl-applikazzjoni tiegħu ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli

1.   Il-Bord, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti, inkuż il-BĊE, għandu jiddetermina r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, kif imsemmi fil-paragrafu 4, soġġetti għas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni, li l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2) u, l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawn il-paragrafi, huma rikjesti li jilħqu f'kull ħin.

2.   Meta jabbozzaw pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 9, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni wara li jikkonsultaw lil-awtoritajiet kompetenti, għandhom jiddeterminaw ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, kif imsemmi fil-paragrafu 4, soġġetti għas-setgħat ta' tniżżil fil-valur u ta' konverżjoni, li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) huma rikjesti li jilħqu f'kull ħin. F'dak ir-rigward għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 31.

3.   Sabiex tkun żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta' dan l-Artikolu, il-Bord għandu joħroġ linji gwida u jindirizza istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni dwar entitajiet jew gruppi speċifiċi.

4.   Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għandu jiġi kkalkulat bħala l-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli espressi bħala perċentwal tat-total tal-obbligazzjonijiet u tal-fondi proprji tal-istituzzjoni.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-obbligazzjonijiet f'derivattivi għandhom jiġu inklużi fit-total tal-obbligazzjonijiet fuq il-bażi li jingħata rikonoxximent sħiħ lid-drittijiet ta' netting tal-kontraparti.

5.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Bord għandu jeżenta lill-istituzzjonijiet ta'kreditu ipotekarju ffinanzjati minn bonds koperti li, skont il-liġi nazzjonali mhumiex permessijirċievu depożiti, mill-obbligu li jintlaħaq, f'kull ħin, rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, peress li:

(a)

dawk l-istituzzjonijiet se jiġu stralċjati permezz ta' proċeduri nazzjonali ta' insolvenza, jew tipi oħra ta' proċeduri implimentati skont l-Artikoli 38, 40 jew 42 tad-Direttiva 2014/59/UE, previsti għal dawk l-istituzzjonijiet; u

(b)

tali proċeduri nazzjonali ta' insolvenza, jew tip ieħor ta' proċeduri, se jiżguraw li l-kredituri ta' dawk l-istituzzjonijiet, inklużi d-detenturi ta' bonds koperti fejn ikun rilevanti, jġarrbu telf b'mod li jilħaq l-objettivi tar-riżoluzzjoni.

6.   Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmi fil-paragrafu 4 m'għandux jaqbeż l-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li huma biżżejjed biex jiżguraw li, f'każ li tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, it-telf għal istituzzjoni jew impriża prinċipali kifl- imsemmija fl-Artikolu 2, kif ukoll għall-impriża prinċipali aħħarija ta' dik l-istituzzjoni jew impriża prinċipali u kwalunkwe istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja inkluża fil-kontijiet konsolidati ta' dik l-impriża prinċipali aħħarija, jista' jiġi assorbit, u l-proporzjon tal-Ekwità Komuni ta' Grad 1 ta' dawk l-entitajiet jista' jinġieb lura għal livell neċessarju sabiex jippermettilhom ikomplu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u biex ikomplu jwettqu l-attivitajiet li huma awtorizzati jwettqu skont id-Direttiva 2013/36/UE jew leġislazzjoni ekwivalenti u jżommu biżżejjed fiduċja fis-suq fl-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali msemmija fl-Artikolu 2 u fl-impriża prinċipali aħħarija ta' dik l-istituzzjoni jew impriża prinċipali u kwalunkwe istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja inkluża fil-kontijiet konsolidati ta' dik l-impriża prinċipali aħħarija.

Fejn il-pjan ta' riżoluzzjoni jantiċipa li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5), jew li ċerti klassijiet ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jistgħu jiġu trasferiti bis-sħiħ lil riċevitur bi trasferiment parzjali, ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmi fil-paragrafu 4 m'għandux jaqbeż l-ammont ta' fondi proprji jew ta' obbligazzjonijiet eliġibbli neċessarji biex ikun żgurat li l-istituzzjoni jew l-impriża prinċipalientita' msemmija fl-Artikolu 2 għandha biżżejjed obbligazzjonijiet eliġibbli oħra biex tiżgura li t-telf tal-istituzzjoni u tal-impriża prinċipali'msemmija fl-Artikolu 2 kif ukoll tal-impriża prinċipali aħħarija ta' dik l-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali u kwalunkwe istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja inkluża fil-kontijiet konsolidati ta' dik l-impriża prinċipali aħħarija jista' jiġi assorbit u l-proporzjon tal-Ekwità Komuni ta' Grad 1 ta' dawk l-entitajiet jista' jinġieb lura għal livell neċessarju sabiex jippermettilhom ikomplu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni u biex ikomplu jwettqu l-attivitajiet li huma awtorizzati jwettqu skont id-Direttiva 2013/36/UE jew leġislazzjoni ekwivalenti u biex isostnu kunfidenza suffiċjenti fis-suq fl-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali u l-impriża prinċipali aħħarija ta' dik l-istituzzjoni jew impriża prinċipali u kwalunkwe istituzzjoni jew istituzzjoni finanzjarja inkluża fil-kontijiet konsolidati ta' dik l-impriża prinċipali aħħarija.

Ir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmi fil-paragrafu 2 m'għandux ikun anqas mill-ammont totali ta' kwalunkwe rekwiżit ta' fondi proprji u rekwiżit ta' protezzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE.

7.   Fi ħdan il-limiti stipulati fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, bil-ħsieb li jkun żgurat li entità msemmija fl-Artikolu 2 tista' tiġi riżolta bl-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni, inkluż fejn xieraq l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, u b'mod li jilħaq l-objettivi ta' riżoluzzjoni, id-determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha ssir abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

id-daqs, il-mudell operazzjonali, il-mudell ta' finanzjament u l-profil tar-riskju tal-istituzzjoni u l-impriża prinċipali' msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

il-punt sa fejn l-iskema ta' garanzija tad-depożiti tista' tikkontribbwixxi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 79;

(c)

il-punt sa fejn il-falliment tal-istituzzjoni u l-impriża prinċipali msemmija fl-Artikolu 2 jkollu konsegwenzi negattivi sinfikanti għas-sistema finanzjarja jew ikunu theddida fuq l-istabbiltà finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 10(5), inkluż minħabba l-interkonnettività tagħha ma' istituzzjonijiet oħrajn jew mal-bqija tas-sistema finanzjarja permezz ta' kontaġju lil istituzzjonijiet oħra.

8.   Id-determinazzjoni għandha tispeċifika r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li l-istituzzjonijiet għandhom jikkonformaw miegħu fuq bażi individwali, u li l-impriżi prinċipali għandhom jikkonformaw miegħu fuq bażi konsolidata. L-ammont aggregat minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli fil-livell konsolidat ta' impriża prinċipali tal-Unjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti għandu jkun determinat mill-Bord, wara li jikkonsulta lis-superviżur ta' konsolidazzjoni, abbażi tal-kriterji stipulati fil-paragrafu 7, u ta' jekk is-sussidjarji tal-pajjiżi terzi tal-grupp għandhomx jiġu riżolti separatament skont il-pjan ta' riżoluzzjoni.

9.   Il-Bord għandu jistabbilixxi r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li għandu jiġi applikat lis-sussidjarji tal-grupp fuq bażi individwali. Dawk ir-rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli għandhom ikunu stabbiliti f'livell xieraq għas-sussidjarji filwaqt li jiqiesu:

(a)

il-kriterji elenkati fil-paragrafu 7, b'mod partikolari id-daqs, il-mudell tal-operatt u l-profil ta' riskju tas-sussidjarja, inklużi l-fondi proprji tagħha; u

(b)

ir-rekwiżit konsolidat li ġie stabbilit għall-grupp.

10.   Il-Bord jista' jiddeċiedi li jneħħi r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi individwali minn fuq istituzzjoni prinċipali sakemm il-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 45(10) tad-Direttiva 2014/59/UE ikunu sodisfatti. Il-Bord jista' jiddeċiedi li jagħti rinunzja fir-rigward tar-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli fuq bażi individwali lil xi sussidjarja sakemm il-kondizzjonijiet stipulati fil-punti minn (a), (b) u (c) tal-Artikolu 45(12) tad-Direttiva 2014/59/UE ikunu sodisfatti.

11.   Il-Bord, fuq inizjattiva tiegħu stess wara li jikkonsulta mal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jista' jiddeċiedi li r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 1 intlaħaq parzjalment fuq bażi konsolidata jew fuq bażi individwali permezz ta' strumenti kuntrattwali ta' rikapitalizzazzjoni interna, f' konformità sħiħa mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 5, u fil-paragrafu 7.

12.   Biex jikkwalifika bħala strument kuntrattwali ta' rikapitalizzazzjoni interna skont il-paragrafu 11, il-Bord irid ikun sodisfatt li l-istrument:

(a)

ikun fih terminu kuntrattwali li jipprevedi li, fejn il-Bord jiddeċiedi li tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna lill-istituzzjoni, l-istrument għandu jiġi valwat negattivament jew jiġi konvertit sal-punt meħtieġ qabel ma jiġu valwati negattivament jew jiġu konvertiti obbligazzjonijiet eliġibbli oħra; u

(b)

jkun soġġett għal ftehim, impenn jew dispożizzjoni ta' subordinazzjoni vinkolanti skont liema fil-każ ta' proċedimenti normali ta' insolvenza, jikklassifika taħt obbligazzjonijiet eliġibbli oħra u ma jistax jitħallas lura sakemm l-obbligazzjonijiet eliġibbli pendenti l-oħra f'dak il-waqt ikun ġew saldati.

13.   Il-Bord għandu jagħmel kwalunkwe determinazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, fejn rilevanti, fil-paragrafu 11 ta' dan l-Artikolu, b'mod parallel mal-iżvilupp u ż-żamma ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 8.

14.   Il-Bord għandu jindirizza d-determinazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord skont l-Artikolu 29. Il-Bord għandu jesiġi li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jivverifikaw u jiżguraw li l-istituzzjonijiet u l-impriżi prinċipali jżommu r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

15.   Il-Bord għandu jinforma lill-BĊE u l-ABE bir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li jkun iddetermina għal kull istituzzjoni u impriża prinċipali skont il-paragrafu 1 u, fejn rilevanti, bir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 11.

16.   L-obbligazzjonijiet eliġibbli, inklużi strumenti ta' dejn subordinat u self subordinat li ma jikkwalifikawx bħala strumenti tal-Grad 1 jew strumenti tal-Grad 2 Addizzjonali, għandhom jiġu inklużi fl-ammont ta' fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli msemmija fil-paragrafu 1 biss jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istrument ikun inħareġ u tħallas għalkollox;

(b)

l-obbligazzjoni mhijiex dovuta lill-istituzzjoni stess jew assigurata minnha jew garantita minnha stess;

(c)

ix-xiri tal-istrument ma kienx direttament jew indirettament iffinanzjat mill-istituzzjoni;

(d)

l-obbligazzjoni jkun baqgħalha maturità ta' mill-inqas sena;

(e)

l-obbligazzjoni ma tirriżultax minn derivattiv;

(f)

l-obbligazzjoni ma tirriżultax minn depożitu li jibbenefika minn preferenza fil-ġerarkija tal-insolvenza nazzjonali skont l-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Għall-finijiet tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, fejn obbligazzjoni tagħti lil sidha d-dritt għal rimborż bikri, il-maturità ta' dik l-obbligazzjoni għandha tkun l-ewwel data meta jirriżulta dan id-dritt.

17.   Fejn obbligazzjoni tkun regolata mil-liġi ta' ġurisdizzjoni barra mill-Unjoni, il-Bord jista' jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni sabiex jitolbu lill-istituzzjoni turi li kwalunkwe deċiżjoni tal-Bord sabiex jagħmel valwazzjoni negattiva ta' dik l-obbligazzjoni jew jikkonvertiha sseħħ taħt il-liġi ta' dik il-ġurisdizzjoni, b'kont meħud tat-termini tal-kuntratt li jirregola l-obbligazzjoni, il-ftehimiet internazzjonali dwar ir-rikonoxximent tal-proċedimenti ta' riżoluzzjoni u kwistjonijiet rilevanti oħra. Jekk il-Bord ma jkunx sodisfatt li kull deċiżjoni sseħħ skont il-liġi ta' dik il-ġurisdizzjoni, l-obbligazzjoni m'għandhiex tgħodd bħala parti mir-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli.

18.   Jekk il-Kummissjoni tressaq proposta leġislattiva skont l-Artikolu 45(18) tad-Direttiva 2014/59/UE, din għandha, jekk xieraq, tressaq proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament bl-istess mod.

KAPITOLU 2

Intervent bikri

Artikolu 13

Intervent bikri

1.   Il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinformaw lill-Bord bi kwalunkwe miżura li jeħtieġu lil istituzzjoni jew grupp jieħdu jew li jieħdu huma stess skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-Artikolu 27(1) jew l-Artikolu 28 jew 29 tad-Direttiva 2014/59/UE, jew l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE.

Il-Bord għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni li jkun rċieva skont l-ewwel subparagrafu.

2.   Mid-data tal-wasla tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont drittijiet oħra tal-Unjoni, il-Bord jista' jħejji għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni jew tal-grupp konċernat.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jimmonitorjaw mill-qrib, f'kooperazzjoni mal-Bord, il-kondizzjonijiet tal-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali u l-konformità tagħhom ma' kwalunkwe miżura ta' intervent bikri li kien meħtieġ minnhom.

Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti għandhom jipprovdu lill-Bord l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jaġġornaw il-pjan ta' riżoluzzjoni u jħejju għar-riżoluzzjoni eventwali tal-istituzzjoni u għall-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni skont l-Artikolu 20(1) sa (15).

3.   Il-Bord għandu s-setgħa jesiġi li l-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali jikkuntattjaw lil xerrejja potenzjali bil-ħsieb li ssir it-tħejjija għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni, skont il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u r-rekwiżiti ta' segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 88 ta' dan ir-Regolament.

Il-Bord għandu s-setgħa wkoll li jesiġi li l-awtorità nazzjonali rilevanti ta' riżoluzzjoni tabbozza skema preliminari ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjoni jew il-grupp konċernat.

Il-Bord għandu jinforma lill-BĊE, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti u lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni kompetenti dwar kwalunkwe azzjoni li jieħu skont dan il-paragrafu.

4.   Jekk il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkun beħsiebhom jimponu fuq istituzzjoni jew grupp kwalunkwe miżura addizzjonali skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, taħt l-Artikolu 27(1), 28 jew 29 tad-Direttiva 2014/59/UE jew skont l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, qabel l-entità jew il-grupp ikunu kkonformaw bis-sħiħ mal-ewwel miżura nnotifikata lill-Bord, huma għandhom jinfurmaw lill-Bord, qabel jimponu din il-miżura addizzjonali fuq l-istituzzjoni jew il-grupp konċernat.

5.   Il-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni kompetenti għandhom jiżguraw li l-miżura addizzjonali msemmija fil-paragrafu 4 u kwalunkwe azzjoni tal-Bord bil-għan li titħejja riżoluzzjoni skont il-paragrafu 2 ikunu konsistenti.

KAPITOLU 3

Riżoluzzjoni

Artikolu 14

Objettivi ta' riżoluzzjoni

1.   Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta' riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta' riżoluzzjoni u s-setgħat ta' riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta' riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.   L-objettivi ta' riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 huma dawn li ġejjin:

(a)

li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi;

(b)

li jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b'mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq;

(c)

li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja;

(d)

li jiġu protetti d-depożitanti koperti mid-Direttiva 2014/49/UE u l-investituri koperti mid-Direttiva 97/9/KE;

(e)

li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

Meta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta' riżoluzzjoni.

3.   Soġġetti għal dispożizzjonijiet differenti ta' dan ir-Regolament, l-objettivi ta' riżoluzzjoni huma ta' sinifikat ugwali, u għandhom ikunu bbilanċjati, kif xieraq, man-natura u ċ-ċirkostanzi ta' kull każ.

Artikolu 15

Prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni

1.   Meta jaġixxu skont il-proċedura ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, l-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtortitajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

(b)

il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti skont l-ordni ta' prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 17, ħlief fejn previst espressament mod ieħor f'dan ir-Regolament;

(c)

il-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu sostitwiti, ħlief f'dawk il-każijiet fejn iż-żamma tal-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri, kollha jew parti minnhom, kif xieraq fiċ-ċirkostanzi, titqies meħtieġa għall-kisba tal-objettivi ta' riżoluzzjoni;

(d)

il-korp maniġerjali u l-maniġment superjuri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandhom jagħtu l-assistenza neċessarja kollha għall-kisba tal-objettivi ta' riżoluzzjoni;

(e)

persuni fiżiċi u ġuridiċi huma responsabbli, soġġett għal-liġi nazzjonali, skont il-liġi ċivili jew kriminali, għar-responsabbiltà tagħhom għall-falliment tal-istituzzjoni;

(f)

ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-kredituri tal-istess klassi jiġu ttrattati b'mod ekwu;

(g)

l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta' insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29;

(h)

id-depożiti koperti jkunu protetti għalkollox, u

(i)

l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tittieħed f'konformità mas-salvagwardji f'dan ir-Regolament.

2.   Fejn istituzzjoni tkun entità tal-grupp, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni, meta jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, għandhom, jaġixxu b'mod li jimminimizza l-impatt fuq entitajiet oħra tal-grupp u fuq il-grupp sħiħ u jimminimizza l-effett avvers fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn jopera l-grupp.

3.   Fejn l-għodda tal-bejgħ ta' operat, l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja jew l-għodda ta' separazzjoni tal-assi tiġi applikata fuq entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, dik l-entità għandha titqies li hija soġġetta għal proċedimenti ta' falliment jew proċedimenti analogi ta' insolvenza għall-finijiet tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE (16).

4.   Meta jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni sabiex fejn xieraq jinfurmaw u jikkonsultaw lir-rappreżentanti tal-impjegati.

Dan mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati f' korpi maniġerjali kif previst mil-liġi nazzjonali jew fil-prattika.

Artikolu 16

Riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi prinċipali

1.   Il-Bord għandu jiddeċiedi dwar riżoluzzjoni b'rabta ma' istituzzjoni finanzjarja stabbilita minn stat membru parteċipanti, fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(1) kemm fil-konfront tal-istituzzjoni finanzjarja kif ukoll fil-konfront tal-impriża prinċipali soġġetta għal superviżjoni tal-konsolidazzjoni.

2.   Il-Bord għandu jieħu azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' impriża prinċipali msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2, fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 18(1) fir-rigward ta' kemm dik l-impriża prinċipali kif ukoll fir-rigward ta' sussidjarja waħda jew aktar li huma istituzzjonijiet jew, fejn is-sussidjarja ma tkunx stabbilita fl-Unjoni, l-awtorità tal-pajjiż terz tkun iddeterminat li din tissodisfa l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni skont il-liġi ta' dak il-pajjiż terz.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2 u minkejja li impriża prinċipali tista' ma tilħaqx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1), il-Bord jista' jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' dik l-impriża prinċipali meta sussidjarja tagħha waħda jew aktar li huma istituzzjonijiet jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1), (4) u (5) u l-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom huma tali li l-falliment tagħhom huwa ta' theddida għal istituzzjoni jew il-grupp kollha kemm hu u azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriża prinċipali tkun neċessarja għar-riżoluzzjoni ta' tali sussidjarji li huma istituzzjonijiet jew għar-riżoluzzjoni tal-grupp sħiħ. Fejn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tinforma lill-Bord li l-liġi tal-insolvenza ta' Stat Membrutipprovdi li l-gruppi jiġu ttrattati f'daqqa u li l-azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriża prinċipali hija neċessarja għar-riżoluzzjoni ta' tali sussidjarji li huma istituzzjonijiet jew għar-riżoluzzjoni tal-grupp kollu kemm hu, il-Bord jista' jiddeċiedi wkoll dwar l-azzjoni ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-impriża prinċipali.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafui, meta jevalwa jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) fir-rigward ta' sussidjarja waħda jew aktar li huma istituzzjonijiet, il-Bord jista' jinjora kwalunkwe kapital intragrupp jew trasferimenti ta' telf bejn l-entitajiet, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni.

Artikolu 17

Ordni tal-prijorità tal-pretensjonijiet

1.   Meta japplikaw l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna lil entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet esklużi mill-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(3) ta' dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni jew, fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandhom jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni, inkluża kwalunkwe applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 27(5) ta' dan ir-Regolament, u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat skont l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2014/59/UE u skont l-ordni kuntrarja ta' prijorità tal-pretensjonijiet stipulati fill-liġi nazzjonali tagħhom, inklużi d-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord dwar il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet fil-konfront tal-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 2 fi proċedimenti nazzjonali ta' insolvenza fl-1 ta' Lulju ta' kull sena kalendarja jew immedjatament, fejn ikun hemm bidla fil-klassifikazzjoni.

Fejn tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, l-iskema rilevanti ta' garanzija tad-depożiti għandha tkun responsabbli skont it-termini previsti fl-Artikolu 79.

Artikolu 18

Proċedura ta' riżoluzzjoni

1.   Il-Bord għandu jadotta skema ta' riżoluzzjoni skont il-paragrafu 6 fir-rigward ta' entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u lill-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi, biss meta dan jivvaluta, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont ir-raba' subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-entità qed tfalli jew x'aktarx li tfalli;

(b)

b'kont meħud taż-żmien u ta' ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li xi miżura alternattiva tas-settur privat, inklużi miżuri minn IPS, jew azzjoni ta' superviżjoni, inklużi miżuri ta' intervent bikri jew valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, jistgħu jimpedixxu l-falliment tagħha f'limitu ta' żmien raġonevoli;

(c)

hija meħtieġa azzjoni ta' riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont il-paragrafu 5.

Għandha ssir mill-BĊE valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista' jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, fi żmien tlitt ijiem kalendarji wara li tkun waslet tali informazzjoni, ma jkunx għamel tali valutazzjoni. Il-BĊE għandu jipprovdi, mingħajr dewmien, lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jirrikjedi biex ikollu informazzjoni għall-valutazzjoni tiegħu.

Fejn l-BĊE jivvaluta li l-kondizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ntlaħqet fir-rigward ta' istituzzjoni jew grupp imsemmija fl-ewwel subparagrafu, huwa għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni mingħajr dewmien lill-Kummissjoni u lill-Bord.

Il-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord, matul is-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jew, fejn applikabbli, mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE. Il-BĊE jista' jinforma wkoll lill-Bord jew lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni konċernati li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f'dak il-punt ġiet sodisfatta.

2.   Mingħajr preġudizzju għal każijiet fejn il-BĊE ddeċieda li jeżerċità direttament il-kompiti superviżorji relatati mal-istituzzjonijiet ta' kreditu skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, fil-każ tar-riċezzjoni ta' komunikazzjoni skont il-paragrafu 1 jew fejn il-Bord ikollu l-intenzjoni jagħmel valutazzjoni skont il-paragrafu 1 fuq inizjattiva proprja, fir-rigward ta' entità jew grupp imsemmi fl-Artikolu 6a(3), il-Bord għandu jikkomunika dik il-valutazzjoni lill-BĊE mingħajr dewmien.

3.   L-adozzjoni preċedenti ta' miżura skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-Artikolu 27(1) jew l-Artikolu 28 jew 29 tad-Direttiva 2014/59/UE, jew l-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE, mhijiex kondizzjoni għat-teħid ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x'aktarx tfalli f'waħda jew iżjed miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-entità qed tikser jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu deteminazzjoni li l-istituzzjoni, fil-futur qrib, ser tkun qed tikser ir-rekwiżiti għall-kontinwazzjoni tal-awtorizzazzjoni b'mod li jkun jiġġustifika l-irtirar tal-awtorizzazzjoni mill-BĊE, inkluż iżda mhux biss, il-fatt li l-istituzzjoni ġarrbet jew x'aktarx iġġarrab telf li se juża l-fondi proprji kollha jew ammont sinifikanti minnhom;

(b)

l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha;

(c)

l-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f'pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti;

(d)

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja ħlief fejn, sabiex jiġi rimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru u tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, dik l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja tieħu xi waħda minn dawn l-għamliet:

(i)

garanzija tal-Istat biex issostni l-faċilitajiet ta' likwidità minn banek ċentrali skont il-kondizzjonijiet tal-banek ċentrali;

(ii)

garanzija tal-Istat għal obbligazzjonijiet maħruġa ġodda; jew

(iii)

injezzjoni ta' fondi proprji jew ix-xiri ta' strumenti kapitali bi prezzijiet u termini li ma jagħtux vantaġġ lill-entità, fejn la ċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) ta' dan il-paragrafu u lanqas iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 21(1) ma jkunu jeżistu fiż-żmien li tingħata l-għajnuna pubblika.

F'kull każ imsemmi fil-punti (i), (ii) u (iii) tal-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, il-garanzija jew il-miżuri ekwivalenti msemmija fihom għandhom ikunu ristretti għall-entitajiet solventi u bil-kondizzjoni li tingħata approvazzjoni finali taħt il-qafas tal-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni. Dawk il-miżuri għandhom ikunu ta' natura prekawzjonarja u temporanja u għandhom ikunu proporzjonati biex jirrimedjaw il-konsegwenzi ta' taqlib serju u ma għandhomx jintużaw biex jikkumpensaw għat-telf li ġarrbet l-entità jew li x'aktarx iġġarrab fil-futur qrib.

Il-miżuri ta' appoġġ taħt il-punt (d)(iii) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu limitati għal injezzjonijiet meħtieġa biex jindirizzaw in-nuqqas ta' kapital stabbilit fit-testijiet tal-istress fil-livell nazzjonali, tal-Unjoni jew tal-SSM, ir-rieżamijiet tal-kwalità tal-assi jew l-eżerċizzji ekwivalenti mwettqa mill-BĊE, l-ABE jew l-awtoritajiet nazzjonali, fejn applikabbli, ikkonfermati mill-awtorità kompetenti.

Jekk il-Kummissjoni tressaq proposta leġislattiva skont l-Artikolu 32(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, din għandha, jekk xieraq, tressaq proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament bl-istess mod.

5.   Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, azzjoni ta' riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta' objettiv ta' riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta' insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta' riżoluzzjoni sal-istess punt.

6.   Jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Bord għandu jadotta skema ta' riżoluzzjoni. L-iskema ta' riżoluzzjoni għandha:

(a)

tqiegħed lill-entità taħt riżoluzzjoni;

(b)

tiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni lill-istituzzjoni taħt rizoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2), b'mod partikolari kwalunkwe esklużjonimill-applikazzjoni ta' rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5) u (14);

(c)

tiddetermina l-użu tal-Fond biex jappoġġa l-azzjoni ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 76 u skont deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont l-Artikolu 19.

7.   Immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, il-Bord għandu jitrażmettiha lill-Kummissjoni.

Fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni għandha jew tapprova l-iskema ta' riżoluzzjoni, jew toġġezzjonaha fir-rigward tal-aspetti ta' diskrezzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni f'każijiet li mhumiex koperti fit-tielet subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Fi żmien 12-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kummissjoni tista' tipproponi lill-Kunsill biex:

(a)

joġġezzjona għall-iskema ta' riżoluzzjoni fuq il-bażi li l-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c);

(b)

japprova jew joġġezzjona modifika materjali tal-ammont tal-Fond prevista fl-iskema ta' riżoluzzjoni tal-Bord.

Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu, il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza sempliċi.

L-iskema ta' riżoluzzjoni tista' tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mill-Bord.

Il-Kunsill jew il-Kummissjoni, skont il-każ, għandhom jiġġustifikaw l-eżerċizzju tas-setgħa ta' oġġezzjoni li għandhom.

Fil-każ fejn, fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mill-Bord, il-Kunsill ikun approva l-proposta tal-Kummissjoni għal modifika tal-iskema ta' riżoluzzjoni fuq il-bażi msemmija fil-punt (b) tat-tielet subparagrafu jew il-Kummissjoni tkun oġġezzjonat skont it-tieni subparagrafu, il-Bord, fi żmien tmien siegħat, għandu jimmodifika l-iskema ta' riżoluzzjoni skont ir-raġunijiet espressi.

Fejn l-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord tipprevedi l-esklużjoni ta' ċerti obbligazzjonijiet fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija fl-Artikolu 27(5), u fejn tali esklużjoni tirrikjedi kontribuzzjoni mill-Fond jew sors alternattiv ta' finanzjament, bil-ħsieb li titħares l-integrità tas-suq intern, il-Kummissjoni tista' tipprojbixxi jew titlob emendi għall-esklużjoni proposta filwaqt li telenka raġunijiet adegwati bbażati fuq il-ksur tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 27 u fl-att delegat adottat mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 44(11) tad-Direttiva 2014/59/UE.

8.   Fil-każ fejn il-Kunsill joġġezzjona għat-tqegħid ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, fuq il-bażi li ma jkunux se jintlaħaq il-kriterju tal-interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c), l-entità rilevanti għandha tiġi stralċjata b'mod adegwat skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

9.   Il-Bord għandu jiżgura li l-azzjoni meħtieġa ta' riżoluzzjoni titwettaq ħalli titwettaq l-iskema ta' riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti. L-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tkun indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti u għandha tagħti istruzzjonijiet lil dawk l-awtoritajiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawha f'konformità mal-Artikolu 29, billi jeżerċitaw is-setgħat ta' riżoluzzjoni. Fejn ikun hemm għajnuna mill-Istat jew mill-Fond, il-Bord għandu jaġixxi f'konformità ma' deċiżjoni dwar dik l-għajnuna meħuda mill-Kummissjoni.

10.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tikseb mingħand il-Bord kwalunkwe informazzjoni li tqis rilevanti biex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament. Il-Bord għandu jkollu s-setgħa jikseb mingħand kwalunkwe persuna, skont il-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jipprepara u jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni, inklużi aġġornamenti u supplimenti ta' informazzjoni previsti fil-pjanijiet ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 19

Għajnuna mill-Istat u għajnuna mill-Fond

1.   Fejn l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tinvolvi l-għoti ta' għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE jew tal-Fond skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-adozzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(6) ta' dan ir-Regolament ma għandhiex issir qabel ma l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva jew kondizzjonali dwar il-kompatibbiltà tal-użu ta' tali għajnuna mas-suq intern.

Fit-twettiq tal-kompiti konferiti lilhom mill-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jaġixxu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2014/59/UE u għandhom jippubblikaw b'mod adegwat l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-organizzazzjoni interna tagħhom f'dan ir-rigward.

2.   Mal-wasla ta' komunikazzjoni skont l-Artikolu 18(1) ta' dan ir-Regolament, jew b'inzijattiva tiegħu stess, jekk il-Bord iqis li l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jistieden lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri parteċipanti konċernati biex immedjatament jinnotifikaw il-miżuri previsti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE. Il-Bord għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe każ fejn huwa jistieden lil Stat Membru wieħed jew aktar jagħmel notifika skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

3.   Sa fejn l-azzjoni ta' riżoluzzjoni kif proposta mill-Bord tinvolvi l-użu tal-Fond, il-Bord għandu jinnotifika l-Kummissjoni dwar l-użu tal-Fond kif propost. In-notifika tal-Bord għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista' twettaq il-valutazzjonijiet tagħha skont dan il-paragrafu.

In-notifika li ssir taħt dan il-paragrafu għandha tiskatta investigazzjoni preliminari mill-Kummissjoni li matulha l-Kummissjoni tista' tagħmel talba għal aktar informazzjoni mill-Bord. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk l-użu tal-Fond jgħawwiġx jew jhedded li jgħawweġ, il-kompetizzjoni billi jiffavorixxi lill-entità benefiċarja jew lil kwalunkwe impriża oħra, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u tkun inkompatibbli mas-suq intern. Fl-użu tal-Fond, il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterju stabbilit għall-applikazzjoni tar-regoli għall-għajnuna mill-Istat kif minqux fl-Artikolu 107 TFUE. Il-Bord għandu jibgħat lill-Kummissjoni dik l-informazzjoni li l-Kummissjoni tqis li tkun meħtieġa biex twettaq dik il-valutazzjoni.

Jekk il-Kummissjoni jkollha dubji serji dwar il-kompatibilità tal-użu propost tal-Fond mas-suq intern, jew jekk il-Bord jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa fuq talba tal-Kummissjoni skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tniedi investigazzjoni fil-fond u għandha tinnotifika l-Bord skont il-każ. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha li tniedi investigazzjoni fil-fond f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord, kwalunkwe Stat Membru jew kwalunkwe persuna, impriża jew assoċjazzjoni li jista' jkollhom l-interessi tagħhom affettwati mill-użu tal-Fond, jistgħu jgħaddu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien tali limitu ta' żmien kif jista' jkun speċifikat fin-notifika. Il-Bord jista' jissottometti osservazzjonijiet dwar il-kummenti mill-Istati Membri u minn partijiet terzi interessati fi żmien tali limitu ta' żmien kif jista' jkun speċifikat mill-Kummissjoni. Fi tmiem il-perijodu ta' investigazzjoni l-Kummissjoni għandha tagħmel il-valutazzjoni tagħha dwar jekk l-użu tal-Fond ikunx kompatibbli mas-suq intern.

Fil-valutazzjonijiet tagħha u fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha timxi fuq ir-regolamenti rilevanti kollha adottati skont l-Artikolu 109 TFUE kif ukoll fuq il-komunikazzjonijiet, il-gwida u l-miżuri rilevanti adottati mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati relatati mal-għajnuna mill-Istat kif ikunu fis-seħħ fiż-żmien li fih għandha ssir il-valutazzjoni. Dawk il-miżuri għandhom jiġu applikati daqs li kieku r-referenzi għall-Istat Membru responsabbli għan-notifika tal-għajnuna kienu referenzi għall-Bord, u bi kwalunkwe modifika oħra meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar il-kompatibiltà tal-użu tal-Fond mas-suq intern, li għandha tkun indirizzata lill-Bord u lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati. Dik id-deċiżjoni tista' tiddependi fuq il-kondizzjonijiet, l-impenji jew l-impriżi fir-rigward tal-benefiċjarju.

Id-deċiżjoni tista' tistipula wkoll obbligi fuq il-Bord, fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fl-Istat Membru parteċipanti jew fl-Istati Membri kkonċernati jew fuq il-benefiċjarju li tippermetti l-monitoraġġ tal-konformità tagħhom magħha. Dawn jistgħu jinkludu rekwiżiti dwar il-ħatra ta' fiduċjarju jew ta' persuna indipendenti oħra biex jgħinu fil-monitoraġġ. Fiduċjarju jew persuna indipendenti oħra jistgħu jwettqu tali funzjonijiet kif speċifikat fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Kwalunkwe deċiżjoni skont dan il-paragrafu għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni tista' toħroġ deċiżjoni negattiva, indirizzata lill-Bord, fejn tiddeċiedi li l-użu tal-Fond Uniku kif propost ma jkunx kompatibbli mas-suq intern u ma jkunx jista' jiġi implimentat fil-forma kif proposta mill-Bord. Malli jirċievi tali deċiżjoni, il-Bord għandu jikkunsidra mill-ġdid l-iskema ta' riżoluzzjoni tiegħu u għandu jħejji skema ta' riżoluzzjoni riveduta.

4.   Fejn il-Kummissjoni jkollha dubji serji dwar il-konformità mad-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 3, hi għandha twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni tista' teżerċita tali setgħat li jkunu disponibbli għaliha skont ir-regolamenti u miżuri oħrajn msemmija fir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 3, u għandha tkun iggwidata minnhom.

5.   Jekk, abbażi tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni, u wara l-għoti ta' notifika lill-partijiet ikkonċernati biex iressqu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni tqis li ma kienx hemm konformità mad-deċiżjoni skont il-paragrafu 3, hi għandha toħroġ deċiżjoni lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni fl-Istat Membru parteċipanti kkonċernat fejn titlob lill-awtorità tirkupra l-ammonti użati ħażin f'perijodu li għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni. L-għajnuna mill-Fond li għandha tkun irkuprata skont deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi imgħax b'rata adegwata ffissata mill-Kummissjoni li għandha titħallas lill-Bord.

Il-Bord għandu jitfa' fil-Fond kwalunkwe ammont riċevut skont l-ewwel subparagrafu u għandu jikkunsidra tali ammonti meta jistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet skont l-Artikoli 70 u 71.

Il-proċedura ta' rkupru msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tirrispetta d-dritt għal amministrazzjoni tajba u d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-benefiċjarji, kif stipulat fl-Artikoli 41 u 42 tal-Karta.

6.   Bla ħsara għall-obbligi ta' rappurtar li l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi fid-deċiżjoni tagħha skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, il-Bord għandu jippreżenta rapporti annwali lill-Kummissjoni li jivvalutaw il-konformità tal-użu tal-Fond mad-deċiżjoni taħt dak il-paragrafu, li fir-rigward tat-tfassil tagħhom il-Bord għandu juża s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 34.

7.   Kwalunkwe Stat Membru jew kwalunkwe persuna, impriża jew assoċjazzjoni li l-interessi tagħha jistgħu jiġu affettwati mill-użu tal-Fond, partikolarment l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, għandu jkollhom id-dritt jinformaw lill-Kummissoni dwar kwalunkwe suspett ta' użu ħażin tal-Fond li ma jkunx kompatibbli mad-deċiżjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

8.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 93 rigward regoli ta' proċedura dettaljati dwar:

(a)

il-kalkolu tar-rata ta' imgħax li għandha tkun applikata fil-każ ta' deċiżjoni ta' rkupru skont il-paragrafu 5;

(b)

il-garanziji tad-dritt ta' amministrazzjoni tajba u tad-dritt ta' aċċess għad-dokumenti msemmija fil-pargrafu 5.

9.   Fejn il-Kummissjoni, fuq rakkomandazzjoni tal-Bord jew fuq inizjattiva proprja, tqis li l-applikazzjoni ta' għodod u azzjonijiet ta' riżoluzzjoni ma tikkorrispondix mal-kriterji li abbażi tagħhom tkun saret id-deċiżjoni inizjali tagħha skont il-paragrafu 3, hi tkun tista' tirrevedi tali deċiżjoni u tadotta l-emendi xierqa.

10.   B'deroga mill-paragrafu 3, fuq applikazzjoni minn Stat Membru, il-Kunsill jista' jaġixxi b'mod unanimu u jiddeċiedi li l-użu tal-Fond għandu jitqies kompatibbli mas-suq intern, jekk tali deċiżjoni tkun ġustifikata minn ċirkostanzi eċċezzjonali. Jekk, madankollu, il-Kunsill ma jkunx innotifika l-pożizzjoni tiegħu fi żmien sebat ijiem minn meta tkun saret l-applikazzjoni msemmija, il-Kummissjoni għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-każ.

11.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tagħhom ikollhom is-setgħat meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma' kwalunkwe kondizzjoni stipulata fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 3 u biex jirkupraw l-ammonti mhux użati tajjeb skont deċiżjoni ta' Kummissjoni skont il-paragrafu 5.

Artikolu 20

Valwazzjoni tal-għanijiet ta' riżoluzzjoni

1.   Qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew jikkonverti strumenti kapitali rilevanti, il-Bord għandu jiżgura li titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż il-Bord u l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, u mill-entità konċernata.

2.   Soġġett għall-paragrafu 15, fejn ir-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1 u 4 sa 9 jiġu sodisfatti, il-valwazzjoni għandha titqies bħala definittiva.

3.   Fejn valwazzjoni indipendenti skont il-paragrafu 1 ma tkunx possibbli, il-Bord jista' jwettaq valwazzjoni provviżorja tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-entità msemmija fl-Artikolu 2, skont il-paragrafu 10 ta' dan l-Artikolu.

4.   L-objettiv tal-valwazzjoni jkun li tivvaluta l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 li tissodisfa l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni tal-Artikoli 16 u 18.

5.   L-għanijiet tal-valwazzjoni għandhom ikunu:

(a)

li tingħata informazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk il-kondizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jew il-kondizzjonijiet għall-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali intlaħqux;

(b)

jekk il-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ntlaħqu, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni xierqa ta' riżoluzzjoni li għandha tittieħed fir-rigward ta' entità msemmija fl-Artikolu 2;

(c)

meta tiġi applikata s-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu kkanċellati jew dilwiti l-istrumenti ta' sjieda, u kemm għandhom jiġu valwati negattivament u jiġu kkonvertiti l-istrumenti kapitali rilevanti;

(d)

meta tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar kemm għandhom jiġu valwati negattivament jew jiġu kkonvertiti l-obbligazzjonijiet eliġibbli;

(e)

meta tiġi applikata l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja jew l-għodda ta' separazzjoni tal-assi, li tingħata informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-strumenti ta' sjieda li għandhom jiġu trasferiti u d-deċiżjoni dwar il-valur ta' kwalunkwe korrispettiv li għandu jitħallas lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, skont il-każ, lis-sidien tal-istrumenti ta' sjieda;

(f)

meta tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ ta' operat, li tingħata informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-obbligazzjonijiet jew l-istrumenti l-oħra ta' sjieda li għandhom jiġu ttrasferiti u biex jgħinu lill-Bord jifhem x'jikkostitwixxi termini kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b);

(g)

fil-każijiet kollha, biex jiġi żgurat li kwalunkwe telf fuq l-assi ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġi rikonoxxut bis-sħiħ meta jiġu applikati l-għodod ta' riżoluzzjoni jew jiġu eżerċitati s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti.

6.   Bla ħsara għall-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, fejn applikabbli, il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet prudenzjali, inklużi r-rati ta' inadempjenza u l-gravità tat-telf. Il-valwazzjoni ma tassumi l-ebda għoti potenzjali fil-futur ta' kwalunkwe għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja kwalunkwe assistenza ta' likwidità ta' emerġenza minn bank ċentrali, jew kwalunkwe assistenza ta' likwidità minn bank ċentali pprovduta skont termini ta' kollaterilizzazzjoni, maturità u rati tal-imgħax mhux standard, lil entità msemmija fl-Artikolu 2 minn meta tittieħed l-azzjoni ta' riżoluzzjoni jew jiġu eżerċitati s-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilvanti. Aktar minn hekk, il-valwazzjoni tqis li jekk tiġi applikata kwalunkwe għodda ta' riżoluzzjoni:

(a)

il-Bord jista' jirkupra kwalunkwe spiża raġonevoli mġarrba kif xieraq mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 22(6);

(b)

il-Fond jista' jimponi imgħax jew tariffi fir-rigward ta' kwalunkwe self jew garanziji mogħtija lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 76.

7.   Il-valwazzjoni għandha tkun issupplimentata bl-informazzjoni li ġejja kif tidher fil-kotba tal-kontabbiltà u r-reġistri ta' entità msemmija fl-Artikolu 2:

(a)

karta bilanċjali aġġornata u rapport dwar il-pożizzjoni ta' entità msemmija fl-Artikolu 2;

(b)

analiżi u stima tal-valur kontabilistiku tal-assi;

(c)

il-lista tal-obbligazzjonijiet pendenti fuq il-karta bilanċjali u barra l-karta bilanċjali murija fil-kotba u r-reġistri ta' entità msemmija fl-Artikolu 2, b'indikazzjoni tal-krediti rispettivi u l-prijorità tal-pretensjonijiet msemmija fl-Artikolu 17.

8.   Fejn xieraq, sabiex tingħata informazzjoni għad-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafu 5(e) u (f) ta' dan l-Artikolu, l-informazzjoni fil- paragrafu 7(b) ta' dan l-Artikolu tista' tiġi kkumplimentata minn analiżi u stima tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 abbażi tal-valur tas-suq.

9.   Il-valwazzjoni għandha tindika s-subdiviżjoni tal-kredituri fi klassijiet skont il-prijorità tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17 u stima tat-trattament li kull klassi ta' azzjonist u kreditur kienu jkunu mistennija jirċievu, jekk entità msemmija fl-Artikolu 2 kellha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta' insolvenza. Dik l-istima ma għandhiex taffettwa l-applikazzjoni tal-prinċipju “l-ebda kreditur ma jmur agħar” imsemmi fl-Artikolu 15(1)(g).

10.   Fejn, minħabba urġenza taċ-ċirkostanzi tal-każ, jew ma tkunx possibbli konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 7 u 9, jew ikun japplika l-paragrafu 3, għandha titwettaq valwazzjoni provviżorja. Il-valwazzjoni provviżorja għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 4 u, sa fejn raġonevolment prattikabbli fiċ-ċirkostanzi, mar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 1, 7 u 9.

Il-valwazzjoni provviżorja msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi buffer għal telf addizzjonali, b'ġustifikazzjoni xierqa.

11.   Valwazzjoni li ma tikkonformax mar-rekwiżiti kollha stipulati fil-paragrafi 1, u 4 sa 9 għandha titqies bħala provviżorja sakemm persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 twettaq valwazzjoni li tkun konformi bis-sħiħ mar-rekwiżiti kollha stipulati f'dawk il-paragrafi. Dik il-valwazzjoni ex-post definittiva għandha titwettaq hekk malli jkun prattikabbli. Tista' titwettaq separatament mill-valwazzjoni msemmija fil-paragrafi 16, 17 u 18, jew simultanjament magħha u mill-istess persuna indipendenti bħall-valwazzjoni, li iżda għandha tkun distinta minnha.

L-għanijiet tal-valwazzjoni ex-post definittiva għandhom ikunu:

(a)

li jiġi żgurat li kwalunkwe telf fl-assi ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ fil-kotba tal-kontabbiltà ta' dik l-entità;

(b)

tipprovdi informazzjoni biex tittieħed id-deċiżjoni li ssir valwazzjoni negattiva tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew li jiżdied il-valur tal-korrispettiv imħallas, skont il-paragrafu 12 ta' dan l-Artikolu.

12.   Fil-każ li l-istima tal-valwazzjoni ex-post definittiva tal-valur tal-assi netti ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ogħla mill-istima tal-valwazzjoni provviżorja tal-valur tal-assi netti ta' dik l-entità, il-Bord jista' jitlob lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex:

(a)

teżerċita s-setgħat tagħha li żżid il-valur tal-pretensjonijiet tal-kredituri jew tas-sidien ta' strumenti kapitali rilevanti li tagħmel valwazzjoni negattiva bl-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna;

(b)

jagħti struzzjonijiet lil istituzzjoni tranżitorja jew mezz ta' mmaniġġjar tal-assi li jħallas aktar korrispettiv fir-rigward tal-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew skont il-każ, fir-rigward tal-istrumenti ta' sjieda lis-sidien ta' dawk l-istrumenti ta' sjieda.

13.   Minkejja l-paragrafu 1, valwazzjoni provviżorja mwettqa skont il-paragrafi 10 u 11 għandha tkun bażi valida għall-Bord biex jieħu deċiżjoni dwar azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, inkluż l-għoti ta' istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jieħdu l-kontroll ta' istituzzjoni li qed tfalli jew li jeżerċita setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilvanti.

14.   Il-Bord għandu jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ arranġamenti li jiżguraw li l-valutazzjoni għall-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni internaskont l-Artikolu 27 u l-valwazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 15 ta' dan l-Artikolu huma bbażati fuq l-informazzjoni dwar l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, u li din tkun aġġornata u kompluta kif raġonevolment possibbli.

15.   Il-valwazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjonidwar l-applikazzjoni ta' għodda ta' riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta' setgħa ta' riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali. Il-valwazzjoni nnifisha ma għandhiex tkun soġġetta għal dritt ta' appell separat iżda tista' tkun soġġetta għal appell flimkien mad-deċiżjoni tal-Bord.

16.   Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jieħdu trattament aħjar li kieku l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza, il-Bord għandu jiżgura li tiġi mwettqa valwazzjoni minn persuna indipendenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 malajr kemm jista' jkun wara li jkunu daħlu fis-seħħ l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni. Dik il-valwazzjoni għandha tkun separata mill-valwazzjoni mwettqa skont il-paragrafi minn 1 sa 15.

17.   Il-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 għandha tiddetermina:

(a)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri, jew l-iskemi rilevanti ta' garanzija tad-depożiti kienu jirċievu li kieku istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha jkunu nħarġu l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, tkun daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza fi żmien meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(b)

it-trattament reali li l-azzjonisti u l-kredituri jirċievu fir-riżoluzzjoni ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; u

(c)

jekk hemmx xi differenza bejn it-trattament imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu u t-trattament imsemmi fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

18.   Il-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 16 għandha:

(a)

tassumi li istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li fir-rigward tagħha l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni jkunu ġew affettwati, tkun daħlet fi proċedimenti normali ta' insolvenza fi żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni għal riżoluzzjoni;

(b)

tassumi li l-azzjoni jew l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni ma daħlux fis-seħħ;

(c)

ma tqis l-ebda għoti ta' għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni.

Artikolu 21

Valwazzjoni negattiva u konverżjoni ta' strumenti kapitali

1.   Il-Bord għandu jeżerċita s-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi, biss fejn jivvaluta, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li tkun ġiet sodisfatta kondizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

fejn ikun ġie stabbilit li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikoli 16 u 18 qabel ma tkun ittieħdet kwalunkwe azzjoni ta' riżoluzzjoni;

(b)

l-entità mhux se tibqa' vijabbli sakemm l-istrumenti kapitali rilvanti ma ssirilhomx valwazzjoni negattiva jew jiġu konvertiti f'ekwità;

(c)

f'każ ta' strumenti kapitali rilevanti maħruġa minn sussidjarja u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilvanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' fondi proprji fuq bażi individwali u fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta' dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

(d)

f'każ ta' strumenti kapitali rilevanti maħruġa fil-livell ta' impriża prinċipali u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilevanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' fondi proprji fuq bażi individwali fil-livell ta' impriża prinċipali jew fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta' dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

(e)

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja għall-entità jew il-grupp, ħlief fi kwalunkwe ċirkostanza stipulata fil-punt (d)(iii) tal-Artikolu 18(4).

Il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-BĊE wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista' jagħmel ukoll tali valutazzjoni.

2.   Fir-rigward tal-valutazzjoni dwar il-vijabbilità tal-entità jew tal-grupp, il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, jista' jagħmel tali valutazzjoni biss wara li jkun informa lill-BĊE dwar l-intenzjoni tiegħu u biss jekk il-BĊE, ma jagħmilx tali valutazzjoni fi żmien 3 ijiem kalendarji wara r-riċezzjoni ta' tali informazzjoni. Il-BĊE għandu, mingħajr dewmien, jipprovdi lill-Bord bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li l-Bord jeħtieġ sabiex ikollu informazzjoni biex jagħmel il-valutazzjoni tiegħu;

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp għandhom jitqiesu li mhumiex aktar vijabbli fil-każ biss li jintlaħqu dawn iż-żewġ kondizzjonijiet:

(a)

l-entità jew il-grupp qed ifalli jew li x'aktarx jfalli;

(b)

filwaqt li jittieħed kont taż-żmien u ċirkostanzi rilevanti oħra, ma hemmx prospett raġonevoli li kwalunkwe azzjoni, inklużi miżuri minn settur privat alternattiv jew ta' superviżjoni (inklużi miżuri ta' intervent bikri), apparti l-valwazzjoni negattiva jew konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti, indipendentement jew f'kumbinazzjoni ma' azzjoni ta' riżoluzzjoni, jistgħu jimpedixxu l-falliment tal-entità jew il-grupp f'qafas ta' żmien raġonevoli.

4.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, dik l-entità għandha titqies li qed tfalli jew li x'aktarx tfalli fejn ikun hemm waħda jew aktar miċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 18(4).

5.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 3, grupp għandu jitqies li qed ifalli jew li x'aktarx ifalli fejn il-grupp ikun qed jikser jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-grupp se jkun qed jikser, fil-futur qrib, ir-rekwiżiti prudenzjali konsolidati tiegħu b'mod li jkun jiġġustifika azzjoni mill-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti inkluż, iżda mhux biss, il-fatt li l-grupp ikun ġarrab jew x'aktarx iġarrab telf li jiekol il-fondi proprji kollha jew ammont sinifikanti minnhom.

6.   Strument kapitali rilevanti maħruġ minn sussidjarja ma għandux ikollu valwazzjoni negattiva sa punt ulterjuri jew jiġi kkonvertit skont termini agħar skont l-Artikolu 59(3)(c) tad-Direttiva 2014/59/UE b'aktar minn kemm ġew valwati negattivament jew konvertiti strumenti kapitali tal-istess klassifikazzjoni fil-livell tal-impriża prinċipali.

7.   Jekk tiġi sodisfatta -kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1, il-Bord meta jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, għandu jiddetermina jekk is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti għandhomx jiġu eżerċitati indipendentement jew, skont il-proċedura fl-Artikolu 18, f'kumbinazzjoni ma' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

8.   Fejn il-Bord, meta jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, jiddetermina li kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu huma sodisfatti, iżda l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18(1) ta' dan ir-Regolament mhumiex sodisfatti, il-Bord, mingħajr dewmien għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jeżerċitaw is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni skont l-Artikoli 59 u 60 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Il-Bord għandu jiżgura li qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħa li jagħmlu valwazzjoni negattiva jew li jikkonvertu l-istrumenti kapitali rilevanti, għandha titwettaq valwazzjonii tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jew ta' grupp imsemmija fl-Artikolu 20(1) sa (15). Dik il-valwazzjoni għandha tkun il-bażi tal-kalkolu tal-valwazzjoni negattiva li għandu jiġi applikat lill-istrumenti kapitali rilevanti sabiex jiġi assorbit it-telf u l-livell ta' konverżjoni li għandu jiġi applikat lill-istrumenti kapitali rilevanti għar-rikapitalizzazzjoni tal-entità msemmija fl-Artikolu 2 jew tal-grupp.

9.   Fejn kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) jiġu wkoll sodisfatti, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18(6), (7) u (8).

10.   Il-Bord għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni mingħajr dewmien, f'konformità mal-prijorità tat-talbiet skont l-Artikolu 17 u b'mod li jipproduċu r-riżultati li ġejjin:

(a)

il-punti tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 jitnaqqsu l-ewwel, fi proporzjon mat-telf u sal-kapaċità tagħhom;

(b)

l-ammont kapitali tal-Grad 1 Addizzjoniali istrumenti kapitali rilevanti jiġi valwat negattivament jew ikkonvertit fi strumenti tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni, jew sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 jew sal-kapaċità tal-istrumenti kapitali rilevanti, skont liema huwa inqas.

(c)

l-ammont prinċipali ta' strumenti tal-Grad 2 isirlu valwazzjoni negattiva jew jiġi konvertit fi strument tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni jew it-tnejn li huma, sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 jew sal-punt tal-kapaċità tal-istrumenti kapitali rilevanti, liema minnhom ikun l-aktar baxx.

11.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord u jeżerċitaw is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta' strumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 29.

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali tal-għodod ta' riżoluzzjoni

1.   Fejn il-Bord jiddeċiedi li japplika għodda ta' riżoluzzjoni fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(2) jew fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi huma sodisfatti u dik l-azzjoni ta' riżoluzzjoni tirriżulta f'telf li jiġġarrab mill-kredituri jew il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti, il-Bord għandu jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jeżerċita s-setgħa biex jagħmel valwazzjoni negattiva u jikkonverti l-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda ta' riżoluzzjoni.

2.   L-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) huma dawn li ġejjin:

(a)

l-għodda tal-bejgħ ta' operat;

(b)

l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja;

(c)

l-għodda ta' separazzjoni tal-assi;

(d)

l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna.

3.   Meta jadotta l-iskema ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6), il-Bord għandujieħu kont tal-fatturi li ġejjin:

(a)

l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fuq il-bażi ta' valwazzjoni skont l-Artikolu 20;

(b)

il-pożizzjoni tal-likwidità tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(c)

il-kummerċjabbiltà tal-valur tal-franchise tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni fid-dawl tal-kondizzjonijiet ekonomiċi u kompetittivi tas-suq;

(d)

iż-żmien disponibbli.

4.   L-għodod ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu applikati biex ikunu sodisfatti l-objettivi ta' riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 14, skont il-prinċipji ta' riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikolu 15. Huma jistgħu jiġu applikati individwalment jew fi kwalunkwe kumbinazzjoni, ħlief għall-għodda ta' separazzjoni tal-assi li tista' tiġi applikata biss flimkien ma' għodda oħra ta' riżoluzzjoni.

5.   Fejn l-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fil-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jiġu applikati biex jiġu ttrasferiti parti biss mill-assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-entità residwa msemmija fl-Artikolu 2 minn fejn l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet ġew ittrasferiti għandha tiġi stralċata skont proċedimenti normali ta' insolvenza.

6.   Il-Bord jista' jirkupra kwalunkwe spiża raġonevoli korrettament imġarrba f'konnessjoni mal-użu ta' kwalunkwe għodda jew setgħa ta' riżoluzzjoni f'mod wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)

bħala tnaqqis minn kwalunkwe korrispettiv imħallas minn riċevitur lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew, jekk ikun japplika l-każ, lis-sidien ta' strumenti ta' sjieda;

(b)

mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, bħala kreditur preferut; jew

(c)

minn kwalunkwe rikavat iġġenerat bħala riżultat tat-terminazzjoni ta' operazzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja jew il-mezz ta' mmaniġġjar tal-assi, bħala kreditur preferut.

Kwalunkwe rikavat riċevut mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni b'rabta mal-użu tal-Fond għandhom jiġu rimborżati lill-Bord.

Artikolu 23

Skema ta' Riżoluzzjoni

L-iskema ta' riżoluzzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 18 għandha tistabbilixxi, skont kwalunkwe deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat jew għajnuna mill-Fond, id-dettalji tal-għodod ta' riżoluzzjoni li għandhom jiġu applikati għall-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li jirrigwardaw mill-inqas il-miżuri msemmija fl-Artikolu 24(2), l-Artikolu 25(2), l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 27(1) li għandu jkun implimentat minn awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni f'konformita' mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/59/UE kif trasposta fil-liġi nazzjonali u tiddetermina l-ammonti speċifiċi u l-għanijiet li għalihom il-Fond għandu jintuża.

L-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tispjega l-azzjonijiet ta' riżoluzzjoni li għandhom jittieħdu mill-Bord fir-rigward tal-impriża prinċipali tal-Unjoni jew entitajiet partikolari tal-grupp stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti bil-għan li tissodisfa l-objettivi ta' riżoluzzjoni u l-prinċipji kif imsemmija fl-Artikoli 14 u 15.

Meta jadottaw skema ta' riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw u jsegwu l-pjan ta' riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 8 sakemm il-Bord ma jivvalutax, b'konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta' riżoluzzjoni jkunu jistgħu jinkisbu b'mod aktar effikaċi bit-teħid ta' azzjonijiet li ma hemmx provvediment għalihom fil-pjan ta' riżoluzzjoni.

Matul il-proċess tar-riżoluzzjoni, il-Bord jista' jemenda u jaġġorna l-iskema ta' riżoluzzjoni kif xieraq fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ. Għal emendi u aġġornamenti għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18.

B'żieda ma' dan, l-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tipprovdi fejn xieraq għall-ħatra ta' maniġer speċjali għall-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-Bord jista' jistabbilixxi li dan l-istess maniġer speċjali jinħatar għall-entitajiet kollha affiljati mal-grupp fejn dak ikun meħtieġ sabiex jiffaċlita s-soluzzjonijet li jindirizzaw il-vijabilità finanzjarja tal-entitajiet ikkonċernati.

Artikolu 24

Għodda tal-bejgħ ta' operat

1.   Fi ħdan l-iskema ta' riżoluzzjoni, l-għodda tal-bejgħ ta' operat għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja ta' dan li ġej:

(a)

strumenti ta' sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; jew

(b)

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe waħda minn dawn.

2.   Dwar l-għodda tal-bejgħ ta' operat, l-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 38(1) u (7) sa (11) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

it-termini kummerċjali, b' kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-ispejjeż u l-infiq imġarrba fil-proċess tar-riżoluzzjoni, skont liema l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandha tagħmel trasferiment f'konformità mal-Artikolu 38(2), (3) u (4) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

jekk is-setgħat ta' trasferiment jisgħux jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni aktar minn darba skont l-Artikolu 38(5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(d)

l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' dik l-entità jew dawk l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(e)

jekk il-konformità mar-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni x'aktarx li thedded l-objettivi ta' riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

3.   Il-Bord għandu japplika l-għodda tal-bejgħ ta' operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti x'aktarx timmina xi wieħed jew aktar mill-objettivi ta' riżoluzzjoni u b' mod partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment possibbli tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni; u

(b)

jqis li l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti x'aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta' operat fl-indirizzar ta' dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv ta' riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 14(2).

Artikolu 25

Għodda ta' istituzzjoni tranżitorja

1.   Fil-qafas tal-iskema ta' riżoluzzjoni, l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand istituzzjoni tranżitorja ta' kwalunkwe minn dan li ġej:

(a)

strumenti ta' sjieda maħruġa minn istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni;

(b)

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha jew kwalunkwe wieħed minnhom ta' istituzzjoni jew istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni.

2.   Dwar l-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja, l-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti lil istituzzjoni tranżitorja mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 40(1) sa (12) tad- Direttiva 2014/59/UE;

(b)

l-arranġamenti għall-ħolqien, l-operat u t-terminazzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-Artikolu 41(1), (2), (3) u (5) sa (9) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(c)

l-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-istituzzjoni tranżitorja jew tal-assi jew l-obbligazzjonijiet tagħha skont l-Artikolu 41(4) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   Il-Bord għandu jiżgura li l-valur totali tal-obbligazzjonijiet trasferiti mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni lill-istituzzjoni tranżitorja ma jaqbżux il-valur totali tad-drittijiet u l-assi trasferiti mill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew ipprovduti minn sorsi oħra.

Artikolu 26

Għodda ta' separazzjoni tal-assi

1.   Fil-qafas tal-iskema ta' riżoluzzjoni, l-għodda ta' separazzjoni tal-assi għandha tikkonsisti fit-trasferiment ta' assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew ta' istituzzjoni tranżitorja għal mezz wieħed jew aktar ta' mmaniġġjar tal-assi.

2.   Dwar l-għodda ta' separazzjoni tal-assi l-iskema ta' riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi:

(a)

l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni lil mezz ta' mmaniġġjar tal-assi f'konformità mal-Artikolu 42(1) sa (5) u (8) sa (13) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(b)

il-korrispettiv li għalih l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet għandhom jiġu ttrasferiti mill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni lill-mezz tal-immaniġġjar tal-assi, skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament, mal-Artikolu 42(7) tad-Direttiva 2014/59/UE u mal-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandux jimpedixxi li l-korrispettiv ikollu valur nominali jew negattiv.

Artikolu 27

Għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna

1.   L-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna tista' tiġi applikata għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet:

(a)

biex tiġi rikapitalizzata entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament li tissodisfa l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni sal-punt suffiċjenti biex tiġi restawrata l-kapaċità tagħha li tikkonforma mal-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni (sa fejn dawk il-kondizzjonijiet japplikaw għall-entità) u li tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE fejn l-entità hija awtorizzata skont dawn id-Direttivi, u biex tkun sostnuta l-fiduċja tas-suq fl-istituzzjoni jew fl-entità;

(b)

jikkonvertu għall-ekwità jew inaqqsu l-ammont kapitali ta' pretensjonijiet jew strumenti ta' dejn li huma ttrasferiti:

(i)

lill-istituzzjoni tranżitorja bil-għan li jipprovdu kapital għal dik l-istituzzjoni tranżitorja; jew

(ii)

taħt l-għodda tal-bejgħ ta' operat jew l-għodda ta' separazzjoni tal-assi.

Fil-qafas tal-iskema ta' riżoluzzjoni dwar l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, għandu jiġi stabbilit dan li ġej:

(a)

l-ammont aggregat li bih l-obbligazzjonijiet eliġibbli jridu jiġu mnaqqsa jew konvertiti, skont il-paragrafu 13;

(b)

l-obbligazzjonijiet li jistgħu jiġu esklużi skont il-paragrafi 5 sa 14;

(c)

l-objettivi u l-kontenut minimu tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat li għandhom jiġu ppreżentati skont il-paragrafu 16.

2.   L-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna tista' tiġi applikata għall-iskop imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 biss jekk ikun hemm prospett realistiku li l-applikazzjoni ta' dik l-għodda, flimkien ma' miżuri rilevanti oħrajn li jinkludu miżuri implimentati skont il-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat meħtieġ mill-Artikolu 16 se, apparti li tilħaq l-objettivi rilevanti ta' riżoluzzjoni, tirrestawra l-entità inkwistjoni għal sodezza finanzjarja u vijabbiltà fit-tul.

Kwalunkwe waħda mill-għodod ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 22(2)(a), (b) u (c), u l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna msemmija fil-punt (d) ta' dak il-paragrafu, għandha tapplika, kif xieraq, fejn il-kondizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ma jiġux sodisfatti.

3.   L-obbligazzjonijiet li ġejjin, kemm jekk regolati mil-liġi ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz, ma għandhomx ikunu soġġetti għal valwazzjoni negattiva u konverżjoni:

(a)

depożiti koperti;

(b)

obbligazzjonijiet garantiti inklużi bonds koperti u obbligazzjonijiet fil-forma ta' strumenti finanzjarji użati għal skopijiet ta' iħħeġġjar li jifformaw parti integrali mill-pool ta' kopertura u li skont il-liġi nazzjonali huma żgurati b'mod simili bħal bonds koperti;

(c)

kwalunkwe obbligazzjoni li tinħoloq bis-saħħa taż-żamma minn istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament ta' assi ta' klijenti jew flus ta' klijenti inklużi assi ta' klijenti jew flus ta' klijenti miżmuma f'isem l-UCITS kif definit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE jew tal-AIFs kif definiti fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), sakemm tali klijent ikun protett skont il-liġi dwar l-insolvenza applikabbli;

(d)

kwalunkwe obbligazzjoni li tirriżulta permezz ta' relazzjoni fiduċjarja bejn entità msemmija fl-Artikolu 2 (bħala fiduċjarja) u persuna oħra (bħala benefiċjarja), sakemm tali benefiċjarja tkun protetta taħt il-liġi tal-insolvenza jew ċivili applikabbli;

(e)

obbligazzjonijiet lejn istituzzjonijiet, minbarra entitajiet li huma parti mill-istess grupp, b'maturità oriġinali ta' inqas minn sebat ijiem;

(f)

obbligazzjonijiet b'maturità li jifdal ta' anqas minn sebat ijiem, dovuti lil sistemi jew operaturi ta' sistemi maħsuba skont id-Direttiva 98/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) jew il-parteċipanti tagħhom u li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f'tali sistema;

(g)

obbligazzjoni lejn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

impjegat, b'rabta mas-salarju, benefiċċji tal-pensjoni jew remunerazzjoni oħra fissa dovuta, ħlief għall-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni li mhix regolata bil-liġi jew ftehim ta' negozjar kollettiv;

(ii)

kreditur kummerċjali jew ta' negozju li jinħoloq mill-forniment ta' oġġetti jew servizzi lil istituzzjoni jew entità msemmija fl-Artikolu 2 li huma fundamentali għall-funzjonament ta' kuljum tal-operazzjonijiet tagħha, inkluż servizzi tal-IT, utilitajiet u l-kiri, il-manutenzjoni u ż-żamma ta' postijiet;

(iii)

awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, sakemm dawk l-obbligazzjonijiet huma ppreferuti taħt il-liġi applikabbli;

(iv)

skemi ta' garanzija ta' depożiti li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet dovuti skont id-Direttiva 2014/49/UE.

Il-punt (g)(i) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-komponent varjabbli tar-remunerazzjoni ta' dawk li jieħdu riskju materjali kif identifikat fl-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2013/36/UE.

4.   L-iskop tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu ma għandux jimpedixxi, fejn xieraq, l-eżerċizzju tas-setgħat ta' rikapitalizzazzjoni interna fuq kwalunkwe parti ta' obbligazzjoni garantita jew obbligazzjoni li għaliha ġie ppleġġjat kollateral li jaqbeż il-valur tal-assi, il-pleġġ, ir-rahan jew il-kollateral li huwa garanti tiegħu jew għal kwalunkwe ammont ta' depożitu li jeċċedi l-livell ta' kopertura stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2014/49/UE.

Il-Bord għandu jiżgura li l-assi garantiti kollha relatati ma' pool ta' kopertura ta' bonds koperti jibqgħu mhux affettwati, segregati u b'finanzjament suffiċjenti.

Bla ħsara għar-regoli ta' skopertura fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 u d-Direttiva 2013/36/UE u sabiex jipprevedi r-riżolvibbiltà ta' entitajiet u gruppi, il-Bord għandu jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali biex jillimitaw, skont l-Artikolu 10(11)(b) ta' dan ir-Regolament, il-punt sa fejn istituzzjonijiet oħra iżommu obbligazzjonijiet eliġibbli għal għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, ħlief għal obbligazzjonijiet miżmuma f'entitajiet li jiffurmaw parti mill-istess grupp.

5.   F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna, ċerti obbligazzjonijiet jistgħu jiġu esklużi jew parzjalment esklużi mill-applikazzjoni tas-setgħat ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni fejn:

(a)

mhuwiex possibbli ssir rikapitalizzazzjoni interna ta' dik l-obbligazzjoni fi żmien raġonevoli minkejja sforzi b'rieda tajba tal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti; jew

(b)

l-esklużjoni hija strettament meħtieġa u tkun proporzjonata sabiex tinkiseb il-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi u l-linji ewlenin tan-negozju b'mod li tinżamm l-abbiltà tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li tkompli bl-operazzjonijiet, is-servizzi u t-tranżazzjonijiet ewlenin; jew

(c)

l-esklużjoni hija strettament meħtieġa u proporzjonata biex tevita li twassal għal kontaġju wiesa', partikolarment rigward depożiti eliġibbli miżmuma minn persuni fiżiċi u mikroimpriżi, impriżi ta' daqs żgħir u medju, li jista' jħarbat b'mod serju l-funzjonament tas-swieq finanzjarji, inklużi l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, b'mod li jista' jikkawża tħarbit serju lill-ekonomija ta' Stat Membru jew tal-Unjoni; jew

(d)

l-applikazzjoni tal-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna għal dawk l-obbligazzjonijiet tikkawża qerda fil-valur b'mod li t-telf imġarrab minn kredituri oħra jkun ogħla milli kieku dawk l-obbligazzjonijiet ġew esklużi mir-rikapitalizzazzjoni interna.

Fejn tiġi eskluża obbligazzjoni eliġibbli jew klassi ta' obbligazzjonijiet eliġibbli, għal kollox jew parzjalment, skont dan il-paragrafu l-livell ta' valwazzjoni negattiva jew konverżjoni applikat fuq obbligazzjonijiet eliġibbli oħra jista' jiżdied sabiex iqis dawn l-esklużjonijiet sakemm il-livell ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni applikat fuq obbligazzjonijiet eliġibbli oħra jikkonforma mal-prinċipju stipulat fil-punt (g) tal-artikolu 15(1).

6.   Fejn obbligazzjoni eliġibbli jew klassi ta' obbligazzjonijiet eliġibbli jiġu esklużi għal kollox jew parzjalment, skont il-paragrafu 5, u t-telf li kien jiġġarrab minn dawk l-obbligazzjonijiet ma jkunx għadda kollu fuq kredituri oħrajn, tista' ssir kontribuzzjoni mill-Fond lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni biex tagħmel waħda jew it-tnejn minn dawn li ġejjin:

(a)

tkopri kwalunkwe telf li ma jkunx ġie assorbit minn obbligazzjonijiet eliġibbli u jiġi restawrat għal żero l-valur nett tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni skont il-punt (a) tal-paragrafu 13;

(b)

jinxtraw strumenti ta' sjieda jew strumenti kapitali fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, sabiex l-istituzzjoni tiġi rikapitalizzata f'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 13.

7.   Il-Fond jista' jagħmel kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 6 biss meta:

(a)

kontribuzzjoni għall-assorbiment tat-telf u r-rikapitalizzazzjoni tkun ta' ammont mhux inqas minn 8 % tal-obbligazzjonijiet totali inkluż il-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejlin fil-mument tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) sa (15), tkun saret mill-azzjonisti, id-detenturi ta' strumenti kapitali rilevanti u obbligazzjonijiet eliġibbli oħra, permezz ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni jew mod ieħor; u

(b)

il-kontribuzzjoni mill-Fond ma taqbiżx 5 % tal-obbligazzjonijiet totali inklużi l-fondi proprji tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, imkejlin fil-mument tal-azzjoni ta' riżoluzzjoni f'konformità mal-valwazzjoni prevista fl-Artikolu 20(1) sa (15).

8.   Il-kontribuzzjoni tal-Fond imsemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi ffinanzjata permezz ta':

(a)

l-ammont disponibbli għall-Fond li nġabar permezz tal-kontribuzzjonijiet minn entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament skont ir-regoli stipulati fid-Direttiva 2014/59/UE u fl-Artikolu 67(4), u fl-Artikoli 70 u 71 ta' dan ir-Regolament;

(b)

fejn l-ammonti msemmija fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu ma jkunux suffiċjenti, l-ammonti miġbura minn mezzi ta' finanzjament skont l-Artikoli 73 u 74.

9.   F'ċirkostanzi straordinarji, finanzjament ulterjuri tista' jinkiseb minn sorsi alternattivi ta' finanzjament wara:

(a)

li jkun intlaħaq il-limitu ta' 5 % speċifikat fil-punt (b) tal-paragrafu 7; u

(b)

obbligazzjonijiet mhux garantiti, mhux bi preferenza, minbarra d-depożiti eliġibbli, ikunu ġew valwati negattivament jew ikkonvertit b'mod sħiħ.

10.   Bħala alternattiva jew flimkien ma', fejn il-kondizzjonijiet stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 9 jkunu sodisfatti, tista' ssir kontribuzzjoni mir-riżorsi li jkunu nġabru permezz ta' kontribuzzjonijiet ex-ante skont l-Artikolu 70 u li jkunu għadhom ma ntużawx.

11.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 44 (8) tad-Direttiva 2014/59/UE ma għandux japplika.

12.   Meta tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 5, għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta lil:

(a)

il-prinċipju li t-telf għandu jiġġarrab l-ewwel mill-azzjonisti u mbagħad, b'mod ġenerali, mill-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni f'ordni ta' preferenza;

(b)

il-livell ta' kapaċità ta' assorbiment ta' telf li jibqa' fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jekk l-obbilgazzjoni jew klassi ta' obbligazzjonijiet jiġu esklużi; u

(c)

il-ħtieġa li jinżammu riżorsi adegwati għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni.

13.   Il-Bord għandu jivvaluta fuq il-bażi ta' valwazzjoni li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) sa (15), tal-aggregat ta':

(a)

fejn rilevanti, l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet eliġibbli jridu jiġu valwati negattivament sabiex jiġi żgurat li l-valur nett tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jkun żero; u

(b)

fejn relevanti, l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet eliġibbli jridu jiġu kkonvertiti f'ishma jew f'tipi oħrajn ta' strumenti kapitali sabiex jiġi rrestawrat il-proporzjon tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta':

(i)

l-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; jew

(ii)

tal-istituzzjoni tranżitorja.

Il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tistabbilixxi l-ammont li bih l-obbligazzjonijiet eliġibbli jeħtiġilhom jiġu valwati negattivament jew ikkonvertiti sabiex jiġi restawrat il-proporzjon kapitali tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni ta-listituzzjonitaħt riżoluzzjoni, jew, fejn applikabbli, jiġi stabbilit il-proporzjon tal-istituzzjoni tranżitorja filwaqt li titqies kwalunkwe kontribuzzjoni ta' kapital mill-Fond skont il-punt (d) tal-Artikolu 76(1), u biex tiġi sostnuta biżżejjed fiduċja tas-suq fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew l-istituzzjoni tranżitorja u jkun possibbli li tkompli tikkonforma għal tal-anqas ta' sena mal-kondizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u tkompli twettaq l-attivitajiet li għalihom hija awtorizzata skont id-Direttiva 2006/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE.

Fejn il-Bord ikollu l-ħsieb li juża l-għodda ta' separazzjoni tal-assi msemmija fl-Artikolu 26, l-ammont li bih jeħtieġ li jitnaqqsu l-obbligazzjonijiet eliġibbli għandu jqis stima prudenti tal-ħtiġijiet ta' kapital tal-mezz ta' mmaniġġjar tal-assi bħala adegwat.

14.   Esklużjonijiet skont il-paragrafu 5 jistgħu jiġu applikati jew biex obbligazzjoni tiġi eskluża għalkollox mill-valwazzjoni negattiva jew sabiex ġiet limitata l-valwazzjoni negattiva applikata għal dik l-obbligazzjoni.

15.   Is-setgħat ta' valwazzjoni negattiva u konverżjoni għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti ta' prijorità tal-pretensjonijiet stipulati fl-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament.

16.   L-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandha tippreżenta minnufih lill-Bord il-pjan tar-riorganizzazzjoni tal-operat li jasallha skont l-Artikolu 52(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2014/59/UE mill-korp maniġerjali jew mill-persuna jew persuni maħtura skont l-Artikolu 72(1) tagħha.

Fi żmien ġimagħtejn mid-data tas-sottomissjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat, l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni rilevanti għandha tipprovdi lill-Bord bil-valutazzjoni tagħha tal-pjan. Fi żmien xahar mid-data tas-sottomissjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat, il-Bord għandu jivvaluta l-probabbilità li l-pjan, jekk jiġi implimentat, għandu jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul ta' entità msemmija fl-Artikolu 2. Il-valutazzjoni għandha titlesta bi qbil mal-awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-BĊE, fejn rilevanti.

Fejn il-Bord ikun sodisfatt li l-pjan se jinkiseb dak l-għan, għandu jippermetti lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni tapprova l-pjan f'konformità mal-Artikolu 52(7) tad-Direttiva 2014/59/UE. Jekk il-Bord ma jkunx sodisfatt li l-pjan jilħaq dak l-objettiv, huwa għandu jagħti struzzjoni lill-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex tinnotifika lill-korp maniġerjali jew lill-persuna/i maħtura skont l-Artikolu 72(1) ta' dik id-Direttiva dwar it-tħassib tagħha u teħtieġ l-emenda tal-pjan b'mod li jindirizza dan it-tħassib f'konformita' mal-Artikolu 52(6) dik id-Direttiva. Fiż-żewġ każijiet il-valutazzjoni għandha titlesta bi qbil mal-awtorità nazzjonali kompetenti jew mill-BĊE, fejn rilevanti.

Fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-wasla ta' tali notifika, il-korp maniġerjali jew il-persuna/i maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE għandhom jissottomettu għall-approvazzjoni pjan emendat lill-awtorità ta' riżoluzzjoni. L-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandha tippreżenta lill-Bord il-pjan emendat u l-valutazzjoni tagħha ta' tali pjan. Il-Bord għandu jivvaluta l-pjan emendat, u għandu jinnotifika lill-awtorità nazzjonali ta' riżolużżjoni biex jinnotifikaw lill-korp maniġerjali jew il-persuna/i maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE fi żmien ġimgħa jekk hijiex sodisfatta li l-pjan, kif emendat, jindirizza t-tħassib innotifikat jew jekk humiex meħtieġa emendi ulterjuri.

Il-Bord għandu jikkomunika l-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat tal-grupp lill-ABE.

Artikolu 28

Monitoraġġ mill-Bord

1.   Il-Bord għandu jimmonitorja mill-qrib l-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni. Għal dak l-iskop l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom:

(a)

jikkooperaw ma' u jassistu lill-Bord fil-qadi tad-dmir tiegħu ta' monitoraġġ;

(b)

jipprovdu, f'intervalli regolari stabbiliti mill-Bord, informazzjoni preċiża, affidabbli u sħiħa dwar l-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni, li jistgħu jintalbu mill-Bord, inkluż dwar dan li ġej:

(i)

is-sitwazzjoni operazzjonali u finanzjarja tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, l-istituzzjoni tranżitorja u l-mezz ta' mmaniġġjar tal-assi;

(ii)

it-trattament li l-azzjonisti u l-kredituri kienu jirċievu li kieku saret likwidazzjoni tal-istituzzjoni bi proċedimenti normali ta' insolvenza;

(iii)

kwalunkwe proċedimenti fil-qorti fis-seħħ relatati mal-likwidazzjoni tal-assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, kontestazzjonijiet għad-deċiżjoni ta' riżoluzzjoni u għall-valwazzjoni jew relatati mal-applikazzjonijiet għal kumpens ippreżentati mill-azzjonisti jew il-kredituri;

(iv)

il-ħatra, it-tneħħija jew is-sostituzzjoni ta' evalwaturi, amministraturi, kontabilisti, avukati u professjonisti oħra li tista' tkun meħtieġa b'assistenza għall-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, u minħabba l-qadi ta' dmirijiethom;

(v)

kwalunkwe kwistjoni oħra li hi rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni inkluż kwalunkwe ksur potenzjali tas-salvagwardji pprovduti fid-Direttiva 2014/59/UE li tista' tissemma mill-Bord;

(vi)

il-punt sa fejn u l-mod li bih is-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 63 sa 72 tad-Direttiva 2014/59/UE huma eżerċitati minnhom;

(vii)

il-vijabbiltà ekonomika, il-fattibilità, u l-implimentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tal-operat previst fl-Artikolu 27(16).

L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jissottomettu għand il-Bord rapport finali dwar l-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni.

2.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, il-Bord jista' jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni dwar kwalunkwe aspett tal-eżekuzzjoni tal-iskema ta' riżoluzzjoni, u b'mod partikolari l-elementi msemmija fl-Artikolu 23 u biex jeżerċitaw is-setgħat ta' riżoluzzjoni.

3.   Fejn meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta' riżoluzzjoni, l-iskema ta' riżoluzzjoni tista' tiġi emendata. Għandha tapplika l-proċedura stipulata fil-paragrafu 18.

Artikolu 29

Implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet skont dan ir-Regolament

1.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni msemmija f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jeżerċitaw kontroll fuq l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u l-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjonijiet ta' dawk il-paragrafi, billi jieħdu l-miżuri meħtieġa skont l-Artikolu 35 jew 72 tad-Direttiva 2014/59/UE u billi jiżguraw li s-salvagwardji previsti f'dik id-Direttiva 2014/59/UE jiġu sodisfatti. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw id-deċiżjonijiet kollha indirizzati lilhom mill-Bord.

Għal dawk l-għanijiet, soġġett għal dan ir-Regolament, għandhom jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom skont il-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2014/59/UE u skont il-kondizzjonijiet stipulati mil-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jinformaw bis-sħiħ lill-Bord dwar l-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat. Kwalunkwe azzjoni li jieħdu għandha tikkonforma mad-deċiżjonijiet tal-Bord bis-saħħa ta' dan ir-Regolament.

Fl-implimentazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jiżguraw li s-salvagwardji applikabbli stipulati fid-Direttiva 2014/59/UE jiġu osservati.

2.   Fejn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma tkunx applikat jew ma tkunx ikkonformat ma' deċiżjoni mill-Bord skontdan ir-Regolament jew applikatha b'tali mod li jhedded kwalunkwe wieħed mill-objettivi ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 14 jew l-implimentazzjoni effikaċi tal-iskema ta' riżoluzzjoni, il-Bord jista' jkollu jordna lil istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li:

(a)

f'każ ta' azzjoni skont l-Artikolu 18, tittrasferixxi għand persuna oħra drittijiet, assi jew obbligazzjonijiet speċifikati ta' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(b)

f'każ ta' azzjoni skont l-Artikolu 18, tesiġi l-konverżjoni ta' kwalunkwe strument ta' dejn li jkun fih terminu kuntrattwali għall-konverżjoni fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 21;

(c)

tadotta kwalunkwe azzjoni oħra meħtieġa biex tikkonforma mad-deċiżjoni inkwistjoni.

Il-Bord għandu jadotta deċiżjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu biss jekk il-miżura tindirizza b'mod sinifikanti t-theddida għall-objettiv ta' riżoluzzjoni rilevanti jew l-implimentazzjoni effikaċi tal-iskema ta' riżoluzzjoni.

Qabel ma jiddeċiedi li jimponi kwalunkwe miżura l-Bord għandu jinnotifika l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u lill-Kummissjoni dwar il-miżura li jkun beħsiebu jieħu. Dik in-notifika għandha tinkludi dettalji tal-miżuri previsti, ir-raġunijiet għal dawk il-miżuri u d-dettalji ta' meta jkun previst li l-miżuri jidħlu fis-seħħ.

In-notifika għandha ssir mhux anqas minn 24 siegħa qabel ma l-miżuri jkunu se jidħlu fis-seħħ. F'ċirkostanzi eċċezzjonali fejn ma jkunx possibbli li jingħata preavviż ta' 24 siegħa, il-Bord jista' jwassal in-notifika anqas minn 24 siegħa qabel ma jkun previst id-dħul fis-seħħ tal-miżuri.

3.   L-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni għandha tikkonforma ma' kwalunkwe deċiżjoni meħuda msemmija fil-paragrafu 2. Id-deċiżjonijiet adottati għandhom jipprevalu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni fl-istess kwistjoni.

4.   Meta tittieħed azzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet li huma soġġetti għal deċiżjoni li ttieħdet skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw ma' dik id-deċiżjoni.

5.   Il-Bord għandu jippubblika fuq il-websajt uffiċjali tiegħu kopja tal-iskema ta' riżoluzzjoni jew notifika li tispjega fil-qasir l-azzjoni ta' riżoluzzjoni, u partikolarment l-effetti fuq il-klijenti fil-livell tal-konsumatur. L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jikkonformaw mal-obbligi proċedurali applikabbli stipulati fl-Artikolu 83 tad-Direttiva 2014/59/UE.

KAPITOLU 4

Kooperazzjoni

Artikolu 30

Obbligu ta' kooperazzjoni u ta' skambju ta' informazzjoni fi ħdan l-SRM

1.   Il-Bord għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe azzjoni li jieħu sabiex iħejji għal riżoluzzjoni. Fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni li tasal mingħand il-Bord, il-membri, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni kif ukoll il-persunal tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 88.

2.   Fl-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib, partikolarment fl-ippjanar ta' riżoluzzjoni, l-intervent bikri u l-fażijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikoli 8 sa 29. Huma għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

3.   Il-BĊE jew l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jittrażmettu lill-Bord u lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni l-ftehimiet ta' appoġġ finanzjarju tal-grupp li jkunu ġew awtorizzati u kwalunkwe tibdil fihom.

4.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-BĊE jista' jistieden lill-President tal-Bord biex jipparteċipa bħala osservatur fil-Bord ta' Superviżjoni tal-BĊE stabbilit skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Fejn meqjus xieraq il-Bord jista' jaħtar rappreżentant ieħor biex jissostitwixxi l-President għal dak il-għan.

5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-Bord jaħtar rappreżentant li għandu jipparteċipa fil-Kumitat tar-Riżoluzzjoni tal-ABE stabbilit skont l-Artikolu 127 tad-Direttiva 2014/59/UE.

6.   Il-Bord għandu jara li jikkoopera mill-qrib ma' kwalunkwe faċilità pubblika ta' assistenza finanzjarja inkluż mal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u mal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES), partikolarment fiċ-ċirkostanzi straordinarji msemmija fl-Artikolu 27(9) u fejn tali faċilità tat jew x'aktarx tagħti għotja, għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti.

7.   Fejn meħtieġ, il-Bord għandu jikkonkludi memorandum ta' fehim mal-BĊE u mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jiddeskrivi t-termini ġenerali ta' kif se jikkooperaw skont il-paragrafi 2 u 4 fit-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni. Il-memorandum għandu jiġi rieżaminat fuq bażi regolari u jiġi ppubblikat soġġett għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali.

Artikolu 31

Kooperazzjoni fl-SRM

1.   Il-Bord għandu jwettaq il-kompiti tiegħu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni. Il-Bord f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandu japprova u jippubblika l-qafas għall-organizzazzjoni tal-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

Sabiex jiżgura l-applikazzjoni effikaċi u konsistenti ta' dan l-Artikolu, il-Bord:

(a)

għandu jfassal linji gwida u struzzjonijiet ġenerali lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont liema l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jiġu adottati u jitwettqu l-kompiti u d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni;

(b)

jista' fi kwalunkwe ħin jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikoli 34 sa 37;

(c)

jista' jitlob informazzjoni, fuq bażi ad hoc jew kontinwa, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar il-prestazzjoni tal-kompiti mwettqa minnhom skont l-Artikolu 7(3);

(d)

għandu jirċievi abbozz tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni li dwarhom jista' jesprimi l-opinjoni tiegħu, u jindika b'mod partikolari, l-elementi tal-abbozz ta' deċiżjoni li ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew mal-istruzzjonijiet ġenerali tal-Bord.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, il-Bord jista' jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jippreżentaw lill-Bord l-informazzjoni kollha meħtieġa, miksuba minnhom skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, bla ħsara għall-Kapitolu 5 ta' dan it-Titolu.

2.   L-Artikolu 13(4) sa (10) u l-Artikoli 88 sa 92 tad-Direttiva 2014/59/UE ma għandhomx japplikaw għar-relazzjonijiet bejn awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali. Id-deċiżjoni konġunta u kwalunkwe deċiżjoni meħuda fin-nuqqas ta' deċiżjoni konġunta kif imsemmi 45(9) sa (13) tad-Direttiva 2014/59/UE ma tapplikax. Minflok għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Konsultazzjoni ta', u kooperazzjoni ma',Stati Membri mhux parteċipanti u ma' pajjiżi terzi

1.   Fejn grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll fi Stati Membri mhux parteċipanti jew f'pajjiżi terzi, mingħajr preġudizzju għal ebda approvazzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament, il-Bord jirrappreżenta l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti għall-iskopijiet ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-Istati Membri mhux parteċipanti jew f'pajjiżi terzi, skont l-Artikoli 7, 8, 12, 13, 16, 18, 55, u 88 sa 92 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Fejn grupp jinkludi entitajiet stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti u sussidjarji stabbiliti, jew fergħat sinifikanti li jinsabu, fi Stati Membri mhux parteċipanti, il-Bord għandu jikkomunika kwalunkwe pjanijiet, deċiżjonijiet jew miżuri imsemmija fl-Artikoli 8, 10, 11, 12 u 13, rilevanti għall-grupp lill-awtoritajiet kompetenti u/jew lill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti, kif xieraq.

2.   Il-Bord, il-BĊE u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti għandhom jikkonkludu memorandum ta' fehim li jiddeskrivi f'termini ġenerali kif dawn għandhom jikkooperaw ma' xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skont id-Direttiva 2014/59/UE.

Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu l-Bord għandu jikkonkludi memorandum ta' fehim mal-awtorità ta' riżoluzzjoni ta' kull Stat Membru mhux parteċipanti li jkun jospita mill-inqas istituzzjoni globali sistemikament importanti waħda, identifikata bħala tali skont l-Artikolu 131 tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.   Kull memorandum għandu jiġi rivedut fuq bażi regolari u għandu jiġi ppubblikat soġġett għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali.

4.   Il-Bord għandu jikkonkludi, f'isem l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' Stati Membri parteċipanti, arranġamenti ta' kooperazzjoni mhux vinkolanti bi qbil mal-arranġamenti tal-qafas ta' kooperazzjoni tal-ABE msemmija fl-Artikolu 972) tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-bord għandu jinnotifika lill-ABE dwar tali arranġament ta' kooperazzjoni.

Artikolu 33

Rikonoxximent u infurzar ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiż terz

1.   Dan l-Artikolu għandu japplika fir-rigward ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi dment li u sakemm jidħol fis-seħħ il-ftehim internazzjonali mal-pajjiż terz rilevanti kif imsemmifl-Artikolu 93(1) tad-Direttiva 2014/59/UE. Huwa għandu japplika wkoll wara d-dħul fis-seħħ ta' ftehim internazzjonali kif imsemmifl-Artikolu 93(1) ta' dik id-Direttiva mal-pajjiż terz rilevanti dment li r-rikonoxximent u l-infurzar ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi ma jkunux regolati minn dak il-ftehim.

2.   Il-Bord għandu jevalwa u joħroġ rakkomandazzjoni indirizzata lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni mwettqa mill-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' pajjiżi terzi fir-rigward ta' istituzzjoni ta' pajjiż terz jew ta' impriża prinċipali ta' pajjiż terz li għandhom:

(a)

sussidjarja waħda jew aktar tal-Unjoni stabbilita fi Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar; jew

(b)

assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet li jinsabu fi Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar, jew ikunu regolati mil-liġi tal-Istati Membri parteċipanti.

Il-Bord għandu jwettaq il-valutazzjoni tiegħu, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, u flimkien mal-awtoritajiet Ewropej ta' riżoluzzjoni ta' Stati Membri mhux parteċipanti, fejn ikun hemm kulleġġ ta' riżoluzzjoni stabbilit f'konformita' mal-Artikolu 89 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Il-valutazzjoni għandha tagħti konsiderazzjoni xierqa tal-interessi ta' kull Stat Membru parteċipanti individwali fejn topera istituzzjoni jew impriża prinċipali ta' pajjiż terz, u partikolarment lill-impatt potenzjali tar-rikonoxximent u l-infurzar ta' proċedimenti ta' riżoluzzjoni minn pajjiż terz dwar partijiet oħra tal-grupp u lill-istabilità finanzjarja f'dawk l-Istati Membri.

3.   Il-Bord għandu jirrakkomanda li jkun miċħud ir-rikonoxximent jew l-infurzar tal-proċedimenti ta' riżoluzzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jekk jikkunsidra li:

(a)

il-proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiż terz jista' jkollhom effett negattiv fuq l-istabbilità finanzjarja ta' Stat Membru parteċipanti;

(b)

il-kredituri, inklużi partikolarment id-depożitanti li jinsabu jew li jitħallsu fi Stat Membru parteċipanti mhux se jirċievu l-istess trattament bħall-kredituri u depożitanti tal-pajjiż terz bl-istess drittijiet legali skont il-proċedimenti domestiċi ta' riżoluzzjoni tal-pajjiż terz;

(c)

ir-rikonoxximent jew l-infurzar tal-proċedimenti ta' riżoluzzjoni ta' pajjiż terz ikollhom implikazzjonijiet fiskali materjali għall-Istat Membru parteċipanti; jew

(d)

l-effetti ta' tali rikonoxximent jew infurzar ikunu kuntrarji għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru parteċipanti.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Bord u għandhom jitolbu r-rikonoxximent jew l-infurzar tal-proċedimenti ta' riżoluzzjoni fit-territorji rispettivi tagħhom, jew għandhom jispjegaw permezz ta' dikjarazzjoni motivata għalfejn ma jistgħux jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Bord.

5.   Fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni fir-rigward ta' entitajiet ta' pajjż terz, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom, fejn xieraq, jużaw is-setgħat mogħtija lilhom abbażi tad-dispożizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 94 (4) tad-Direttiva 2014/59/UE.

KAPITOLU 5

Setgħat ta' investigazzjoni

Artikolu 34

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti skont dan ir-Regolament, il-Bord jista', permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew direttament wara li jinfurmahom, jagħmel użu sħiħ tal-informazzjoni kollha disponibbli lill-BĊE jew lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jitlob lil persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin biex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti konferiti lilu minn dan ir-Regolament:

(a)

l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2;

(b)

l-impjegati tal-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2;

(c)

partijiet terzi li l-entitajiet msemmija fl-Artikolu 2 ikunu esternalizzawlhom funzjonijiet jew attivitajiet.

2.   L-entitajiet u l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tipprovdi l-informazzjoni mitluba skont dak il-paragrafu. Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhomx jeżentaw lil dawk l-entitajiet u l-persuni mid-dover li jipprovdu dik l-informazzjoni. L-għoti tal-informazzjoni mitluba ma għandux jitqies bħala ksur tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

3.   Fejn il-Bord jikseb informazzjoni direttament mingħand dawk l-entitajiet u l-persuni, għandu jqiegħed dik l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni konċernati.

4.   Il-Bord ikun jista' jikseb, inkluż fuq bażi kontinwa kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament, partikolarment dwar il-kapital, il-likwidità, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe istituzzjoni soġġetta għas-setgħat tiegħu ta' riżoluzzjoni.

5.   Il-Bord, il-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jistgħu jfasslu memorandum ta' ftehim bi proċedura dwar l-iskambju ta' informazzjoni. L-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Bord, il-BĊE, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni ma għandux jitqies bħala ksur tar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż il-BĊE fejn rilevanti, u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jikkooperaw mal-Bord sabiex jiġi vverifikat jekk xi informazzjoni jew l-informazzjoni kollha mitluba hijiex diġà disponibbli. Fejn din l-informazzjoni hija disponibbli, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inkluż il-BĊE fejn rilevanti, jew l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Bord.

Artikolu 35

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, u soġġett għal kwalunkwe kondizzjoni oħra stipulata fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-Bord jista' permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni jew direttament, wara li jinfurmahom, iwettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika msemmija fl-Artikolu 34(1) stabbilita jew li tinsab fi Stat Membru parteċipanti.

Għal dak il-għan, il-Bord jista':

(a)

jeżiġi s-sottomissjoni ta' dokumenti;

(b)

jeżamina l-kotba u r-reġistri ta' kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika msemmija fl-Artikolu 34(1) u jieħu kopji jew estrazzjonijiet mit-tali kotba u reġistri;

(c)

jikseb spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali minn kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika msemmija fl-Artikolu 34(1) jew mir-rappreżentanti jew il-persunal tagħhom;

(d)

jintervista lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata għall-iskop li tinġabar informazzjoni relatata mas-soġġett ta' investigazzjoni.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmijin fl-Artikolu 34(1) għandhom ikunu soġġetti għall-investigazzjonijiet imnedija abbażi ta' deċiżjoni tal-Bord.

Fejn persuna tfixkel it-twettiq tal-investigazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istat Membru parteċipanti fejn ikunu jinsabu l-uffiċċji rilevanti għandhom joffru, f'konformità mal-liġi nazzjonali, l-assistenza neċessarja inkluż l-iffaċilitar għall-aċċess mill-Bord fil-bini minn fejn joperaw il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 34(1), sabiex dawk id-drittijiet jkunu jistgħu jiġu eżerċitati.

Artikolu 36

Ispezzjonijiet fuq il-post

1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, u soġġett għal kondizzjonijiet oħra stipulati fil-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-Bord jista', f'konformita' mal-Artikolu 37 u soġġett għal notifika minn qabel lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti rilevanti konċernati, u, fejn xieraq b'kooperazzjoni magħhom, jagħmel l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa fuq il-post fil-bini tal-operat tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 34(1). Fejn it-twettiq u l-effiċjenza xierqa tal-ispezzjonijiet ikunu jeħtieġu hekk, il-Bord jista' jagħmel ispezzjonijiet fuq il-post mingħajr avviż minn qabel lil dawk il-persuni ġuridiċi.

2.   L-uffiċjali tal-Bord u persuni oħra awtorizzati minnu biex jagħmlu ispezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini u art tal-persuni ġuridiċi soġġetti għal deċiżjoni ta' investigazzjoni adottata mill-Bord skont l-Artikolu 35(2) u għandu jkollhom is-setgħat kollha msemmija fl-Artikolu 35(1).

3.   Il-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 34(1) għandhom ikunu soġġetti għal ispezzjonijiet fuq il-post abbażi ta' deċiżjoni tal-Bord.

4.   L-uffiċjali ta', u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati jew maħtura minn, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri fejn se ssir l-ispezzjoni għandhom, taħt is-superviżjoni u l-koordinazzjoni tal-Bord, jgħinu attivament lill-uffiċjali ta', u persuni oħra awtorizzati minn, il-Bord. Għal dak il-għan, huma għandhom igawdu mis-setgħat msemmija fil-paragrafu 2. Uffiċjali ta', u persuni oħra li jakkumpanjaw awtorizzati jew maħtura minn, awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti konċernati għandujkollhom ukoll id-dritt li jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

5.   Fejn l-uffiċjali tal-BĊE u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati jew maħtura mill-Bord isibu li persuna topponi xi ispezzjoni ordnata skont il-paragrafu 1, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri parteċipanti konċernat għandhom joffrulhom l-għajnuna meħtieġa skont il-liġi nazzjonali. Sal-limitu meħtieġ għall-ispezzjoni, din l-għajnuna għandha tinkludi l-issiġillar ta' kwalunkwe post tal-operat u kotba jew reġistri. Fejn dik is-setgħa ma tkunx disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali konċernati, huma għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom biex jitolbu l-assistenza meħtieġa ta' awtoritajiet nazzjonali oħrajn.

Artikolu 37

Awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja

1.   Jekk ispezzjoni fuq il-post prevista fl-Artikolu 36(1) u (2) jew l-assistenza prevista fl-Artikolu 36(5) tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont ir-regoli nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni.

2.   Fejn l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu issir applikazzjoni għaliha, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tikkontrolla li d-deċiżjoni tal-Bord tkun awtentika u li l-miżuri ta' koerċizzjoni maħsuba la huma arbitraraji u lanqas eċessivi, b'kont meħud tas-soġġett inkwistjoni tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri ta' koerċizzjoni, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista' titlob lill-Bord għal spjegazzjonijiet dettaljati, partikolarment fir-rigward ta' raġunijiet li l-Bord għandu biex jissuspetta li sar ksur tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 29, is-serjetà ta' ksur issuspettat u n-natura tal-involviment tal-persuni soġġetti għall-miżuri ta' koerċizzjoni. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tanalizza n-neċessità għall-ispezzjoni jew titlob li tkun provduta bl-informazzjoni fil-faxxikolu tal-Bord. Il-leġalità tad-deċiżjoni tal-Bord għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

KAPITOLU 6

Penali

Artikolu 38

Multi

1.   Fejn il-Bord isib li xi entità msemmija fl-Artikolu 2 b'mod intenzjonali jew b'negliġenza wettqet wieħed mit-tipi ta' ksur elenkati fil-paragrafu 2, il-Bord għandu jieħu deċiżjoni li jimponi multa skont il-paragrafu 3.

Ksur minn tali entità jkun ikkunsidrat li sar intenzjonalment jew hemm fatturi oġġettivi li juru li l-entità jew il-korp maniġerjali jew il-maniġment superjuri tagħha aġixxew deliberatament biex iwettqu l-ksur.

2.   Il-multi għandhom ikunu imposti fuq entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 għall-ksur segwenti:

(a)

fejn ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 34;

(b)

fejn ma jaċċettawx li jkunu soġġetti għal-investigazzjoni ġenerali skont l-Artikolu 35 jew ispezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 36;

(c)

fejn ma jikkonformawx mad-deċiżjoni indirizzata lilhom mill-Bord skont l-Artikolu 29.

3.   L-ammont bażiku tal-multi msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jirrappreżenta perċentwal tal-fatturat annwali nett inkluż id-dħul gross li jikkonsisti f'interess riċevibbli u introjtu simili, introjtu minn ishma u minn sigurtajiet varjabbli jew b'redditu fiss, u kummissjonijiet jew miżati riċevibbli skont l-Artikolu 316 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-impriża tul is-sena kummerċjali preċedenti, jew, fi Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fid-19 ta' Awwissu 2014, u għandha tiddaħħal fil-limiti li ġejjin:

(a)

għal ksur imsemmi fil-paragrafu 2(a) u (b), l-ammont bażiku għandu jammonta għal mill-anqas 0,05 % u ma għandux jaqbeż 0,15 %;

(b)

għal ksur msemmi fil-paragrafu 2(c), l-ammont bażiku għandu jammonta għal mill-anqas 0.25 % u ma għandux jaqbeż 0,5 %;

Sabiex tiddeċiedi jekk l-ammont bażiku tal-multi għandux ikun stabbilit fl-aktar livell baxx, fil-livell tan-nofs jew fl-ogħla livell tal-limiti msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord għandu jieħu kont tal-fatturat annwali fis-sena kummerċjali preċedenti tal-entità kkonċernata. L-ammont bażiku għandu jkun fil-parti l-baxxa tal-limitu għall-entitajiet b'fatturat annwali inqas minn EUR 1 000 000 000, fil-parti tan-nofs tal-limitu għal entitajiet b'fatturat annwali bejn EUR 1 000 000 000 u 5 000 000 000 u fil-parti għolja tal-limitu għall-entitajiet b'fatturat annwali ogħla minn EUR 5 000 000 000.

4.   L-ammonti bażiċi msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jiġu aġġustati, skont il-bżonn, billi jitqiesu l-fatturi ta' aggravazzjoni jew ta' mitigazzjoni msemmija fil-paragrafi 5 u 6, bi qbil mal-koeffiċjenti rilevanti msemmija fil-paragrafu 9.

Il-koeffiċjenti ta' mitigazzjoni rilevanti għandu jiġi applikat wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikun applikabbli aktar minn koeffiċjent ta' mitigazzjoni wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' kull koeffiċjent ta' mitigazzjoni individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

Il-koeffiċjenti aggravanti rilevanti għandu jiġi applikat wieħed wieħed għall-ammont bażiku. Jekk ikunu applikabbli aktar minn koeffiċjent aggravanti wieħed, id-differenza bejn l-ammont bażiku u l-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' kull koeffiċjent aggravanti individwali għandha tiżdied mal-ammont bażiku.

5.   Il-fatturi aggravanti li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward tal-multi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

il-ksur ikun twettaq b'mod intenzjonali;

(b)

il-ksur ikun twettaq ripetutament;

(c)

il-ksur ikun twettaq fuq perijodu ta' aktar minn tliet xhur;

(d)

il-ksur ikun kixef dgħufijiet sistematiċi fl-organizzazzjoni tal-entità, partikolarmnet fil-proċeduri, fis-sistemi ta' ġestjoni jew fil-kontrolli interni tagħha,

(e)

ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni ta' rimedju sa minn meta jkun ġie identifikat il-ksur;

(f)

il-maniġent superjuri tal-entità ma jkunx ikkoopera mal-Bord fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu.

6.   Il-fatturi ta' mitigazzjoni li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward tal-multi msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

il-ksur ikun twettaq fuq perijodu ta' inqas minn għaxart ijiem ta' ta' xogħol;

(b)

il-maniġment superjuri tal-entità jista' juri li jkunu ħadu l-miżuri kollha meħtieġa għall-prevenzjoni tal-ksur;

(c)

l-entità tkun ġibdet l-attenzjoni tal-Bord għall-ksur b'ħeffa, b'effikaċja u b'mod komplut;

(d)

l-entità tkun, minn jeddha, ħadet miżuri li jiżguraw li ksur simili ma jitwettqux fil-futur.

7.   Minkejja l-paragrafi 2 sa 6, il-multi applikati ma għandhomx jaqbżu 1 % tal-fatturat annwali tal-entità msemmija fil-paragrafu 1 ikkonċernat fis-sena kummerċjali preċedenti.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fejn l-entità tkun ibbenefikat finanzjarjament, direttament jew indirettament, minn dak il-ksur u fejn ikunu jistgħu jiġu determinati l-profitti miksuba jew it-telf evitat, il-multa għandha tkun mill-anqas indaqs għall-benefiċċju finanzjarju.

Fejn att jew ommissjoni ta' entità msemmija fil-paragrafu 1 jikkostitwixxu aktar minn tip ta' ksur wieħed elenkat fil-paragrafu 2, għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata skont dan l-Artikolu u relatata ma' wieħed minn dawn it-tipi ta' ksur.

8.   F'każijiet mhux koperti mill-paragrafu 2, il-Bord, jista' jirrakkomanda lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jieħdu azzjoni biex jiżguraw li jkunu imposti pieni adegwati skont l-Artikoli 110 sa 114 tad-Direttiva 2014/59/UE u skont kwalunkwe leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.

9.   Fil-kalkolu tal-multi l-Bord għandu japplika l-koeffiċjenti ta' aġġustament li ġejjin relatati mal-fatturi aggravanti:

(a)

jekk il-ksur jitwettaq ripetutament, għandu japplika koeffiċjent addizzjonali ta' 1,1, għal kull darba li dan jiġi ripetut;

(b)

jekk il-ksur jitwettaq fuq perijodu ta' aktar minn tliet xhur, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5;

(c)

jekk il-ksur ikun kixef dgħufijiet sistemiċi fl-organizzazzjoni tal-entità, partikolarment fil-proċeduri, is-sistemi tal-maniġment jew il-kontrolli interni tiegħu, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 2,2;

(d)

jekk il-ksur twettaq intenzjonalment, għandu japplika koeffiċjent ta' 2;

(e)

jekk ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta' rimedju minn meta kien identifikat il-ksur, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,7;

(f)

jekk il-maniġement superjuri ma jkunx ikkoopera mal-Bord fit-twettiq tal-investigazzjonijiet tiegħu, għandu japplika koeffiċjent ta' 1,5.

Il-Bord għandu japplika l-koeffiċjenti ta' aġġustament li ġejjin relatati mal-fatturi aggravanti fil-kalkolu tal-multi:

(a)

jekk il-ksur ikun twettaq fuq perijodu ta' inqas minn għaxart ijiem ta' xogħol, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 0,9;

(b)

jekk il-maniġement superjuri jista' juri li jkun ħa l-miżuri kollha meħtieġa biex jimpedixxi l-ksur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 0,7;

(c)

jekk l-entità tkun ressqet malajr, b'mod effettiv u komplet, il-ksur għall-attenzjoni tal-Bord, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 0,4;

(d)

jekk l-entità tkun ħadet miżuri b'mod volontarju biex ikun żgurat li ksur simili ma jkunx jista' jitwettaq fil-futur, għandu jiġi applikat koeffiċjent ta' 0,6.

Artikolu 39

Pagamenti perjodiċi ta' penali

1.   Il-Bord għandu, b'deċiżjoni jimponi l-pagamenti perjodiċi ta' penali fir-rigward ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 sabiex iġġiegħel lil:

(a)

dik l-entità tikkonforma ma' deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 34;

(b)

persuna msemmija fl-Artikolu 34(1) biex tipprovdi informazzjoni kompluta li kienet meħtieġa minn deċiżjoni skont dak l-Artikolu;

(c)

persuna msemmija fl-Artikolu 35(1) tissottometti ruħha għal investigazzjoni u, b'mod partikolari, tipproduċi reġistri, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ b'mod komplut u tikkompleta u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f'investigazzjoni mnedija b'deċiżjoni meħuda skont dak l-Artikolu;

(d)

persuna msemmija fl-Artikolu 36(1) biex taċċetta li ssirilha ispezzjoni fuq il-post ordnata minn deċiżjoni skont dak l-Artikolu;

2.   Pagament perjodiku ta' penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Pagament perjodiku tal-penali għandu jkun impost kuljum sakemm l-entità msemmija fl-Artikolu 2 jew persuna kkonċernata tikkonforma mad-deċiżjonijiet relevanti msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-pagamenti tal-penali perjodiċi għandu jkun 0,1 % tal-fatturat medju ta' kuljum fis-sena kummerċjali preċedenti. Pagament perjodiku tal-penali għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku tal-penali.

4.   Pagament perjodiku ta' penali jista' jkun impost għal perijodu ta' mhux iktar minn sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord.

Artikolu 40

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti

1.   Qabel ma jieħu kwalunkwe deċiżjoni dwar multa u/jew pagament perjodiku ta' penali skont l-Artikoli 38 jew 39, il-Bord għandu jagħti lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar is-sejbiet tagħha. Il-Bord għandu jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu biss fuq sejbiet li dwarhom il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

2.   Id-dritt ta' difiża tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għall-proċedimenti għandu jiġi rispettat bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Għandu jkollhom id-dritt għal aċċess għall-fajl tal-Bord, b'mod li jkun soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt għal aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.

Artikolu 41

L-iżvelar, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u l-pagamenti tal-penali perjodiċi

1.   Il-Bord għandu jippubblika d-deċiżjonijiet li jimponu penali msemmija fl-Artikolu 38(1) u l-Artikolu 39(1), sakemm tali żvelar ma jipperikolax ir-riżoluzzjoni tal-entità kkonċernata. Il-pubblikazzjoni għandha ssir fuq bażi anonima, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn l-informazzjoni ppubblikata tkun tinkludi data personali u wara li tkun saret valutazzjoni obbligatorja minn qabel, tali pubblikazzjoni ta' data personali hi meqjusa bħala sproporzjonata;

(b)

fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali li tkun għadha għaddejja;

(c)

fejn il-pubblikazzjoni tikkawża, sa fejn ikun jista' jiġi determinat, dannu sproporzjonat lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti.

Alternattivament, f'tali każijiet, il-pubblikazzjoni tad-data in kwistjoni ista' tiġi posposta għal perijodu raġonevoli jekk ikun prevedibbli li r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima ikunu se jieqfu f'dak il-perijodu.

Il-Bord għandu jinforma lill-ABE dwar kull multa u pagamenti perjodiċi ta' penali imposti minnu skont l-Artikoli 38 u 39 u għandu jagħti informazzjoni dwar l-istatus tal-appell u l-eżitu tiegħu.

2.   Multi u pagamenti tal-penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 38 u 39 għandhom ikunu ta' natura amministrattiva.

3.   Multi u pagamenti ta' penali perjodiċi imposti skont l-Artikoli 38 u 39 għandhom jiġu infurzati.

L-infurzar għandu jkun regolat mir-regoli ta' proċedura applikabbli fis-seħħ fl-Istat Membru parteċipanti li fit-territorju tiegħu titwettaq. L-ordni għall-infurzar tiegħu għandha tiġi annessa mad-deċiżjoni, mingħajr kwalunkwe formalità oħra ħlief il-verifika tal-awtentiċità tad-deċiżjoni mill-awtorità nazzjonali li l-gvern ta' kull Stat Membru għandu jaħtar għal dak il-fini u li għandu jgħarraf lill-Bord u lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fejn dawk il-formalitajiet ikunu ġew ikkompletati fuq talba tal-parti kkonċernata, din tista' twettaq l-infurzar f' konformita' mal-liġi nazzjonali, billi ġġib il-kwistjoni direttament quddiem l-entità kompetenti.

L-infurzar jista' jiġi sospiż biss b'deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, il-qrati tal-Istat Membru parteċipanti kkonċernat għandhom ikollhom ġurisdizzjoni fuq ilmenti li l-infurzar qed jitwettaq b'mod irregolari.

4.   L-ammonti tal-multi u l-pagamenti perjodiċi tal-pieni għandhom jiġu allokati għall-Fond.

PARTI III

QAFAS ISTITUZZJONALI

TITOLU I

IL-BORD

Artikolu 42

Status ġuridiku

1.   Il-Bord huwa b'dan stabbilit. Il-Bord għandu jkun Aġenzija tal-Unjoni bi struttura speċifika li tikkorrispondi mal-kompiti tiegħu. Huwa jkollu personalità ġuridika.

2.   F'kull Stat Membru, il-Bord għandu jgawdi l-iżjed kapaċità legali estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. Hu jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u tkun parti fi proċedimenti legali.

3.   Il-Bord għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.

Artikolu 43

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord għandu jkun kompost minn:

(a)

il-President maħtura skont l-Artikolu 56;

(b)

erba' membri sħaħ oħrajn maħtura skont l-Artikolu 56;

(c)

membru maħtur minn kull Stat Membru parteċipati, li jirrappreżenta l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tagħhom.

2.   Kull membru inkluż il-President għandu jkollu vot wieħed.

3.   Il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom kull wieħed jaħtru rappreżentant li jkun intitolat li jipparteċipa fil-laqgħat tas-sessjonijiet eżekuttivi u tas-sessjonijiet plenarji bħala osservatur permanenti.

Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni u l-BĊE għandhom ikunu intitolati jipparteċipaw fid-dibattiti u għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha.

4.   Fil-każ ta' aktar minn awtorità nazzjonali waħda ta' riżoluzzjoni fi Stat Membru parteċipanti, it-tieni rappreżentant għandu jitħalla jipparteċipa bħala osservatur mingħajr drittijiet tal-vot.

5.   L-istruttura amministrattiva u maniġerjali tal-Bord għandha tkun magħmula minn:

(a)

sessjoni plenarja tal-Bord, li għandha twettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 50;

(b)

sessjoni eżekuttiva tal-Bord, li għandha twettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 54;

(c)

President, li għandu jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 56;

(d)

Segretarjat, li għandu jipprovdi l-appoġġ neċessarju amministrattiv u tekniku rigward il-prestazzjoni tal-kompiti kollha assenjati lill-Bord.

Artikolu 44

Konformità mal-liġi tal-Unjoni

Il-Bord għandu jaġixxi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 45

Obbligu ta' rendikont

1.   Il-Bord għandu jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, skont il-paragrafi 2 sa 8.

2.   Il-Bord għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti skont l-Artikolu 46, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, rapport annwali dwar it-twettiq tal-kompiti kkonferit lilu minn dan ir-Regolament. Soġġett għar-rekwiżiti dwar is-segretezza professjonali, dak ir-rapport għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Bord.

3.   Il-President għandu jippreżenta dan ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-President għandu jieħu sehem f'seduta dwar it-twettiq tal-kompiti ta' riżoluzzjoni tal-Bord mill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Għandha ssir seduta tal-inqas annwalment.

5.   Il-President jista' jinstema' mill-Kunsill, fuq talba tal-Kunsill, fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti ta' riżoluzzjoni tal-Bord.

6.   Il-Bord għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-mistoqsijiet indirizzati lilu mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill, skont il-proċeduri tiegħu, u fi kwalunkwe każ fi żmien ħames ġimgħat mill-wasla ta' mistoqsija.

7.   Fuq talba, il-President għandu jagħmel diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President u l-Viċi Presidenti tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew fejn tali diskussjonijiet huma meħtieġa għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Parlament Ewropew skont it-TFUE. Għandu jiġi konkluż ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord dwar il-modalitajiet dettaljati għall-organizzazzjoni ta' tali d-diskussjonijiet, bil-ħsieb li tiġi żgurata kunfidenzjalità sħiħa skont ir-rekwiżiti ta' segretezza professjonali imposti fuq il-Bord minn dan ir-Regolament u meta l-Bord ikun qed jaġixxi bħala awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni.

8.   Matul kwalunkwe investigazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Bord għandu jikkoopera mal-Parlament Ewropew, soġġett għat-TFUE u għar-regolamenti msemmija fl-Artikolu 226 tiegħu. Fi żmien sitt xhur mill-ħatra tal-President, il-Bord u l-Parlament Ewropew għandhom jikkonkludu arranġamenti xierqa dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizzju tal-obbligu ta' rendikont u ta' sorveljanza demokratiċi fuq it-twettiq tal-kompiti konferiti fuq il-Bord minn dan ir-Regolament. Soġġett għas-setgħat tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 226 TFUE, dawk l-arranġamenti jkopru, inter alia, aċċess għall-informazzjoni, inkluż regoli dwar l-immaniġġjar u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata jew kunfidenzjali, il-kooperazzjoni fis-seduti, kif imsemmi fl-Artikolu 45(4) ta' dan ir-Regolament, id-diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm, rapporti, tweġibiet għal mistoqsijiet, investigazzjonijiet u informazzjoni dwar il-proċedura ta' għażla tal-President, tal-Viċi President u tal-erba' membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Parlamenti nazzjonali

1.   Minħabba l-kompiti speċifiċi konferiti fuq il-Bord minn dan ir-Regolament, il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, permezz tal-proċeduri tagħhom stess, jistgħu jitolbu lill-Bord biex iwieġeb, u l-Bord hu obbligat iwieġebbil-miktub għal kwalunkwe osservazzjoni jew mistoqsija magħmula minnhom lill-Bord fir-rigward tal-funzjonijiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

2.   Meta jippreżenta r-rapport previst fl-Artikolu 45(2), il-Bord għandu jippreżenta simultanjament dak ir-rapport direttament lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti. Il-parlamenti nazzjonali jistgħu jindirizzaw l-osservazzjonijiet motivati tagħhom dwar dak ir-rapport lill-Bord. Il-Bord għandu jwieġeb bil-fomm jew bil-miktub għall-osservazzjonijiet jew għall-mistoqsijiet indirizzati lilu mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri parteċipanti, f'konformita' mal-proċeduri tiegħu.

3.   Il-Parlament nazzjonali ta' Stat Membru parteċipanti jista' jistieden lill-President biex jipparteċipa fi skambju ta' opinjonijiet fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta' entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 f'dak l-Istat Membru flimkien ma' rappreżentant tal-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni. Il-President hu obbligat li jwieġeb għal tali stedina.

4.   Dan ir-Regolament ikun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta' rendikont li l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom lejn il-parlamenti nazzjonali skont il-liġi nazzjonali għat-twettiq tal-kompiti kollha li mhumiex konferiti lill-Bord, il-Kunsill jew il-Kummissjoni permezz ta' dan ir-Regolament u għat-twettiq tal-attivitajiet imwettqa minnhom skont l-Artikolu 7(3).

Artikolu 47

Indipendenza

1.   Meta jwettqu l-kompiti kkonferiti lilhom minn dan ir-Regolament, il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

2.   Il-President, il-Viċi-President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom f'konformità mad-deċiżjonijiet tal-Bord, tal-Kunsill u l-Kummissjoni. Huma għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew minn korpi tal-Unjoni, jew minn xi gvern ta' Stat Membru jew minn xi entità pubblika jew privata oħra.

Fid-deliberazzjonijiet u fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan il-Bord, huma għandhom jesprimu l-opinjoni tagħhom u jivvutaw b'mod indipendenti.

3.   La l-Istati Membri, la l-istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni Ewropea u lanqas kwalunkwe korp pubbliku jew privat ma għandu jfittex li jinfluwenza lill-President, lill-Viċi-President jew lill-membri tal-Bord.

4.   F'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali kif stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (19) (“ir-Regolamenti tal-Persunal”) imsemmija fl-Artikolu 87(6) ta' dan ir-Regolament, il-President, il-Viċi-President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) ta' dan ir-Regolament għandhom, wara li jitilqu mis-servizz, jibqgħu obbligati, kif inhu d-dover tagħhom, li jaġixxu b'integrità u diskrezzjoni fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċerti ħatriet jew benefiċċji.

Artikolu 48

Sede

Il-Bord għandu jkollu s-sede tiegħu fi Brussell, il-Belġju.

TITOLU II

SESSJONI PLENARJA TAL-BORD

Artikolu 49

Parteċipazzjoni f'sessjonijiet plenarji

Il-Membri kollha tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1) għandhom jieħdu sehem fis-sessjonijiet plenarji tiegħu.

Artikolu 50

Kompiti

1.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord għandu:

(a)

kull sena jadotta, sat-30 ta' Novembru, il-programm ta' ħidma annwali tal-Bord għas-sena sussegwenti, abbażi ta' abbozz ippreżentat mill-President u jittrażmettih għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-BĊE;

(b)

jadotta u jissorvelja l-baġit annwali tal-Bord skont l-Artikolu 61(2) u japprova l-kontijiet finali tal-Bord u jagħti l-kwittanza lill-President skont l-Artikolu 63(4) u (8);

(c)

soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 2, jiddeċiedi dwar l-użu tal-Fond, jekk ikun meħtieġ appoġġ għall-Fond f'dik l-azzjoni ta' riżoluzzjoni speċifika li jmur lil hinn mil-limtu ta' EUR 5 000 000 000 u li għalih il-kalkolu għal-likwidità jkun ta' 0.5;

(d)

ladarba l-użu nett akkumullat tal-Fond tul l-aħħar 12-il xahar konsekuttivi jilħaq il-livell limitu ta' EUR 5 000 000 000, jevalwa l-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni, partikolarment l-użu tal-Fond, u joffri gwida li s-sessjoni eżekuttiva għandha ssegwi fid-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni sussegwenti tagħha, partikolarment, dwar id-divrenzjar bejn il-likwidità u forom oħra ta' trasport, jekk ikun xieraq;

(e)

jiddeċiedi dwar il-bżonn li jinġabru kontibuzzjonijiet ex-post straordinarji f'konformità mal-Artikolu 71, dwar is-self volontarju bejn arranġamenti ta' finanzjament skont l-Artikolu 72, dwar mezzi finanzjarji alternattivi skont l-Artikolu 73 u 74, u dwar il-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament skont l-Artikolu 78, li jinvolvi l-appoġġ għall-Fond li jmur lil hinn mil-limitu msemmi fil-punt (c) ta' dan il-paragrafu;

(f)

jiddeċiedi dwar l-investimenti skont l-Artikolu 75;

(g)

jadotta r-rapport annwali ta' attività dwar l-attivitajiet tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 45 li għandu jippreżenta spjegazzjonijiet dettaljati dwar l-implimentazzjoni tal-baġit;

(h)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Bord f'konformità mal-Artikolu 64;

(i)

jadotta strateġija kontra l-frodi, proporzjonata mar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri li għandhom ikunu implimentati;

(j)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-membri tiegħu;

(k)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u dawk tal-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu;

(l)

f'konformità mal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tal-Bord, is-setgħat mogħtija lill-Awtorità tal-Ħatra mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Uffiċjali Oħra tal-Unjoni Ewropea kif stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (“Kondizzonijiet tal-Impjieg”) lill-Awtorità bis-Setgħa Tikkonkludi Kuntratti ta' Impjieg (“setgħat tal-awtorità li taħtar”);

(m)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa biex jimplimenta r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(n)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontijiet, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li għandu jkun funzjonalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu jew dmirijietha;

(o)

jiżgura segwitu xieraq tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet tal-awditjar interni jew esterni, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF);

(p)

jieħu d-deċiżjoni kollha dwar il-ħolqien tal-istrutturi interni tal-Bord u fejn meħtieġ, il-modifiki tagħhom;

(q)

japprova l-qafas imsemmi fl-Artikolu 31(1) biex jorganizza l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni.

2.   Meta tieħu deċiżjonijiet, is-sessjoni plenarja tal-Bord għandha taġixxi skont l-oġġettivi kif speċifikati fl-Artikoli 6 u 14.

Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, l-iskema ta' riżoluzzjoni mħejjija mis-sessjoni eżekuttiva għandha titqies bħala adottata sakemm, fi żmien tliet sigħat mis-sottomissjoni tal-abbozz mis-sessjoni eżekuttiva lis-sessjoni plenarja, tal-inqas membru wieħed mis-sessjoni plenarja jkun sejjaħ laqgħa tas-sessjoni plenarja. Fil-każ tal-aħħar, is-sessjoni plenarja għandha tieħu deċiżjoni dwar l-iskema ta' riżoluzzjoni.

3.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bord għandu jadotta deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg, li tiddelega s-setgħat rilevanti ta' awtorità li taħtar lill-President u li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li skonthom tista' tiġi sospiża d-delega ta' setgħat. Il-President għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawn is-setgħat.

F' ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, jista' permezz ta' deċiżjoni, jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lill-President u lil kull sottodelegat mill-President u jeżerċitahom huwa stess jew jiddelega dawk is-setgħat lil wieħed mill-membri tiegħu jew lil membru tal-persunal li mhuwiex il-President.

Artikolu 51

Laqgħa tas-sessjoni plenarja tal-Bord

1.   Il-President għandu jsejjaħ u jippresiedi laqgħat tas-sessjoni plenarja tal-Bord skont l-Artikolu 56(2)(a).

2.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord għandu jkollu mill-inqas żewġ laqgħat ordinarji fis-sena. Barra minn hekk, huwa għandu jiltaqa' b'inizjattiva tal-President, jew fuq it-talba ta' mill-inqas terz tal-membri tiegħu. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jitlob lill-President biex isejjaħ laqgħa tal-Bord fis-sessjoni plenarja tagħha. Il-President għandu jagħti raġunijiet bil-miktub jekk hu jew hi ma jsejħux il-laqgħa fiż-żmien debitu.

3.   Fejn ikun rilevanti, il-Bord jista' jistieden lil osservaturi flimkien ma' dawk imsemmija fl-Artikolu 43(3) biex jipparteċipaw fil-laqgħat tas-sessjoni plenarja tiegħu fuq bażi ad hocinkluż rappreżentant tal-ABE.

4.   Il-Bord għandu jipprovdi s-segretarjat għas-sessjoni plenarja tal-Bord.

Artikolu 52

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

1.   Fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Bord jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta' parità, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 50(1) (c) u (d), kif ukoll dwar il-mutwalizzazzjoni tal-arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament skont l-Artikolu 78, limitati għall-użu tal-mezzi finanzjarji disponibbli fil-Fond, għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord, li jkunu jirrappreżentaw mill-anqas 30 % tal-kontribuzzjonijiet. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta' parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

3.   B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 50(1), li jinvolvu l-ġbir ta' kontribuzzjonijiet ex post skont l-Artikolu 71, dwar self volontarju bejn arranġamenti ta' finanzjament skont l-Artikolu 72, dwar mezzi volontarji alternattivi skont l-Artikolu 73 u l-Artikolu 74, kif ukoll dwar il-mutwalizzazzjoni ta' arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament skont l-Artikolu 78, li jeċċedu l-użu tal-mezzi finanzjarji disponibbli fil-Fond, għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord, li jkunu jirrappreżentaw minn tal-inqas 50 % tal-kontribuzzjonijiet tul il-perijodu ta' tranżizzjoni ta' tmien snin sakemm il-Fond jiġi mutwalizzat bis-sħiħ u b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord, li jkunu jirrappreżentaw minn tal-inqas 30 % ta' kontribuzzjonijiet minn dak il-mument 'il quddiem. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ ta' parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

4.   Il-Bord għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu. Ir-regoli ta' proċedura jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor u inkluż, fejn xieraq, ir-regoli rigward il-kworum.

TITOLU III

SESSJONI EŻEKUTTIVA TAL-BORD

Artikolu 53

Parteċipazzjoni f'sessjonijiet eżekuttivi

1.   Il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu hu magħmul mill-President u mill-erba' membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b). Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu jiltaqa' kull meta jkun hemm bżonn.

Il-laqgħat tal-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu għandhom jitlaqqgħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-membri tiegħu, u għandhom ikunu ppreseduti mill-President.

Fejn xieraq, il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista' jistieden osservaturi flimkien ma' dawk imsemmija fl-Artikolu 43(3), biex jipparteċipaw fil-laqgħat tiegħu, inkluż rappreżentant tal-ABE, u għandu jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni ta' Stati Membri mhux parteċipanti, meta jkun qed jiddiskuti dwar grupp li jkollu sussidjarji jew fergħat sinifikanti f'dawk l-Istati Membri mhux parteċipanti. Il-parteċipazzjoni għandha tkun fuq bażi ad hoc.

2.   F'konformità mal-paragrafi 3 u 4, il-membri tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 43(1)(c) jipparteċipaw f'sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord.

3.   Meta jiddeliberaw dwar entità msemmija fl-Artikolu 2 jew grupp ta' entitajiet stabbiliti biss fi Stat Membru parteċipanti wieħed, il-membru maħtur minn dak l-Istat Membru għandu jipparteċipa wkoll fid-deliberazzjonijiet u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u għandu japplika r-regoli stipulati fl-Artikolu 55(1).

4.   Meta jiddeliberaw dwar grupp transkonfinali, il-membru maħtur mill-Istat Membru li fih tkun tinsab l-awtorità ta' riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp, kif ukoll il-membri maħtura mill-Istati Membri li fih l-entità jew is-sussidjarja koperta mis-superviżjoni konsolidata tkun stabbilita, jipparteċipaw ukoll fid-deliberazzjonijiet u fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u għandhom japplikaw ir-regoli stipulati fl-Artikolu 55(2).

5.   Il-membri tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 43(1) (a) u (b) għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet ta' riżoluzzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-Fond, fil-formazzjonijiet differenti kollha tas-sessjonijiet eżekuttivi tal-Bord ikunu koerenti, xierqa u proporzjonati.

Artikolu 54

Kompiti

1.   Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, għandu:

(a)

iħejji d-deċiżjonijiet kollha li għandhom ikunu adottati mill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu;

(b)

jieħu d-deċiżjonijiet kollha biex ikun implimentat dan ir-Regolament, sakemm dan ir-Regolament ma jistipulax mod ieħor.

2.   Fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, the Bord għandu:

(a)

iħejji, jevalwa u japprova pjanijiet ta' riżoluzzjoni għal entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u għalentitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi, skont l-Artikoli 7, 10 u 11;

(b)

japplika obbligazzjonijiet simplifikati lil ċerti entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lil entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi jiġu sodisfatti, skont l-Artikolu 11;

(c)

jiddetermina r-rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli li entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u entitajiet u gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5), fejn ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi, li għandhom iżommu kull ħin skont l-Artikolu 12;

(d)

jipprovdi lill-Kummissjoni, kemm jista' jkun malajr, bi skema ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 18 li għandha tkun akkompanjata mill-informazzjoni rilevanti kollha, biex iħalli żmien xieraq lill-Kummissjoni biex tevalwa u tieħu deċiżjoni jew fejn xieraq, tipproponi deċiżjoni lill-Kunsill, skont l-Artikolu 18(7);

(e)

jiddeċiedi fuq il-parti II tal-baġit fuq il-Fond tal-Bord, skont l-Artikolu 60.

3.   Fejn meħtieġ minħabba l-urġenza, il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista' jieħu ċerti deċiżjonijiet provviżorji f'isem il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni amministrattiva, inklużi kwistjonijiet baġitarji.

4.   Il-Bord fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu għandu jżomm lill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu informat dwar id-deċiżjoni li jieħu dwar ir-riżoluzzjoni.

Artikolu 55

Teħid ta' deċiżjonijiet

1.   Meta jiddeliberaw dwar entità individwali jew grupp stabbiliti biss fi Stat Membru parteċipanti wieħed, jekk il-membri kollha msemmija fl-Artikolu 53(1) u (3) ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim konġunt b'kunsens fi żmien skadenza stipulata mill-President, il-President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom jieħdu deċiżjoni b'maġġoranza sempliċi.

2.   Meta jiddeliberaw fuq grupp transkonfinali, jekk il-membri kollha msemmija fl-Artikolu 53(1) u (4) ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim konġunt b'kunsens fi żmien skadenza stipulata mill-President, il-President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom jieħdu deċiżjoni b'maġġoranza sempliċi.

3.   Fil-każ ta' parità, il-President għandu jkollu vot deċiżiv.

TITOLU IV

PRESIDENT

Artikolu 56

Ħatra u kompiti

1.   Il-Bord għandu jkun ippresedut minn President full-time.

2.   Il-President għandu jkun responsabbli għal:

(a)

it-tħejjija tal-ħidma tal-Bord, fis-sessjonijiet plenarji u eżekuttivi tiegħu, u biex ilaqqa' u jippresiedi l-laqgħat tiegħu;

(b)

kull kwistjoni tal-persunal;

(c)

il-kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum;

(d)

l-istabbiliment ta' abbozz ta' baġit tal-Bord skont l-Artikolu 61(1) u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Bord skont l-Artikolu 63;

(e)

il-ġestjoni tal-Bord;

(f)

l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-Bord;

(g)

it-tħejjija, kull sena, ta' abbozz tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 45 b'taqsima dwar l-attivitajiet ta' riżoluzzjoni tal-Bord u taqsima dwar il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi.

Il-President, fit-twettiq tal-kompiti msemmija f'dan l-Artikolu, għandu jkun assistit minn persunal dedikat.

3.   Il-President għandu jkun assistit minn Viċi President.

Il-Viċi President għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fl-assenza tiegħu jew tagħha jew f'każ ta' impediment raġonevoli, f'konformità ma' dan ir-Regolament.

4.   Il-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom jinħatru fuq il-bażi tal-mertu, il-ħiliet, l-għarfien dwar kwistjonijiet bankarji u finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarji kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-banek. Il-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom jintagħżlu abbażi ta' proċedura tal-għażla miftuħa, li għandha tirrispetta l-prinċipji ta' bilanċ tal-ġeneru, esperjenza u kwalifika. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu informati debitament dwarha f'kull stadju ta' dik il-proċedura b'mod f'waqtu.

5.   Il-mandat tal-President, tal-Viċi President u tal-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandu jkun ta' ħames snin. Soġġett għall-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu, dak il-mandat ma għandux ikun jista' jiġġedded.

Il-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) ma għandux ikollhom kariga fil-livell nazzjonali, fil-livell tal-Unjoni, jew f'dak internazzjonali.

6.   Wara li tisma' lill-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew b'lista mqassra ta' kandidati għall-pożizzjonijiet ta' President, Viċi President u membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) u għandha tinforma lill-Kunsill dwar il-lista mqassra.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-ħatra tal-ewwel membri tal-Bord wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lista mqassra ta' kandidati bla ma tisma' lill-Bord.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għall-ħatra tal-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni. Wara l-approvazzjoni ta' dik il-proposta, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni implimentattiva biex jaħtar lill-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b). Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

7.   B'deroga mill-paragrafu 5, il-mandat tal-ewwel Pesident maħtur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandu jkun ta' tliet snin. Dak il-perijodu għandu jkun jista' jiġġedded darba għal perijodu ta' ħames snin. Il-President, il-Viċi President u l-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinħatru s-suċċessuri tagħhom.

8.   President li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma għandux jipparteċipa fi proċedura ta' għażla oħra għall-istess kariga fi tmiem il-perijodu globali.

9.   Jekk il-President, il-Viċi President jew membru msemmi fl-Artikolu 43(1)(b) ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-eżerċizzju ta' dmirijietu jew jekk jinstab ħati ta' mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista', fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni implimentattiva biex ineħħih jew ineħħiha mill-kariga. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Għal dawk l-iskopijiet, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' jinforma lill-Kummissjoni li jqis li l-kondizzjonijiet għat-tneħħija tad-President, il-Viċi President jew il-membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) mill-kariga huma sodisfatti, u għal dan il-Kummissjoni għandha tagħti tweġiba.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 57

Riżorsi

1.   Il-Bord għandu jkun responsabbli biex jalloka r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti konferiti lilu minn dan ir-Regolament.

2.   Il-finanzjament tal-baġit tal-Bord jew tal-attivitajiet ta' riżoluzzjoni tiegħu skont dan ir-Regolament taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jinvolvu r-responsabbiltà baġitarja tal-Istati Membri.

Artikolu 58

Baġit

1.   Il-Bord għandu jkollu baġit awtonomu li ma jkunx parti mill-baġit tal-Unjoni. L-estimi tad-dħul u n-nefqa kollha tal-Bord għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, li tikkorrespondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit tal-Bord.

2.   Il-baġit tal-Bord għandu jkun ibbilanċjat fir-rigward tad-dħul u n-nefqa.

3.   Il-baġit għandu jinkludi żewġ partijiet: Parti I għall-amministrazzjoni tal-Bord u l-Parti II għall-Fond.

Artikolu 59

Parti I tal-baġit dwar l-amministrazzjoni tal-Bord

1.   Id-dħul tal-Parti I tal-baġit għandu jikkonsisti fil-kontribuzzjonijiet annwali meħtieġa biex tkun koperta l-istima tan-nefqa amministrattiva annwali.

2.   In-nefqa tal-Parti I tal-baġit għandha tinkludi, tal-anqas, il-kostijiet tal-persunal, ir-remunerazzjoni, l-amministrazzjoni, l-infrastruttura, it-taħriġ professjonali u l-ispiża operazzjonali.

3.   Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni li jimponu tariffi skont il-liġi nazzjonali, fir-rigward tal-infiq amministrattiv tagħhom tat-tipi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, inkluż in-nefqiet biex jiġi assistit il-Bord u biex issir kooperazzjoni miegħu.

Artikolu 60

Parti II tal-baġit dwar il-Fond

1.   Id-dħul tal-Parti II tal-baġit għandu jikkonsisti, b'mod partikolari, minn dan li ġej:

(a)

kontribuzzjonijiet imħallsa minn istituzzjonijiet stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti f'konformità mal-Artikolu 67(4) u l-Artikoli 69, 70 u 71;

(b)

self riċevut minn arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni oħra fi Stati Membri mhux parteċipanti skont l-Artikolu 72(1);

(c)

self riċevut minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra skont l-Artikoli 73 u 74;

(d)

redditi fuq l-investimenti tal-ammonti miżmuma fil-Fond skont l-Artikolu 75;

(e)

kwalunkwe parti tal-ispejjeż imġarrba għall-iskopijiet indikati fl-Artikolu 76 li jiġu rkuprati fil-proċedimenti ta' riżoluzzjoni.

2.   In-nefqa tal-Parti II tal-baġit għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

(a)

spejjeż għall-għanijiet indikati fl-Artikolu 76;

(b)

investimenti skont l-Artikolu 75;

(c)

imgħax imħallas fuq selfiet riċevuti minn arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni oħra fi Stati Membri mhux parteċipanti skont l-Artikolu 72(1);

(d)

imgħax imħallas fuq self riċevut minn istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra skont l-Artikoli 73 u 74.

Artikolu 61

Stabbiliment u implimentazzjoni tal-baġit

1.   Sal-15 ta' Frar ta' kull sena, il-President għandu jħejji abbozz ta' baġit tal-Bord, inkluża dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u n-nefqa tal-Bord għas-sena sussegwenti flimkien mal-pjan ta' stabbiliment u jippreżentaha lill-Bord għall-adozzjoni.

2.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-Bord, fis-seduta plenarja tiegħu, għandu, fejn ikun neċessarju, jaġġusta l-abbozz ippreżentat mill-President u jadotta l-baġit finali tal-bord flimkien mal-pjan ta' stabbiliment.

Artikolu 62

Awditjar intern u kontroll

1.   Għandha tiġi stabbilita funzjoni ta' awditjar intern fil-Bord, biex tkun implimentata skont l-istandards internazzjonali rilevanti. L-awditur intern, maħtur mill-Bord, għandu jkun responsabbli lejh għall-verifika tal-operat xieraq tas-sistemi ta' implimentazzjoni tal-baġit u tal-proċeduri baġitarji tal-Bord.

2.   L-awditur intern għandu jagħti parir lill-Bord f'każijiet ta' riskju, billi joħroġ opinjonijiet indipendenti dwar il-kwalità tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll u billi jagħti rakkomandazzjonijiet għat-titjib fil-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet u l-promozzjoni ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

3.   Il-Bord huwa responsabbli sabiex jiddaħħlu fis-seħħ sistemi ta' kontroll intern u proċeduri addattati għat-twettiq tal-kompiti tal-awditur intern.

Artikolu 63

Implimentazzjoni tal-baġit, preżentazzjoni tal-kontijiet u kwittanza

1.   Il-President għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit tal-Bord.

2.   Sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarjasussegwenti, l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Bord għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja matul is-sena finanzjarja, lill-Qorti tal-Awdituri biex tifformula l-osservazzjonijiet tagħha.

Sal-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarjasussegwenti, l-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Bord għandu jippreżenta r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord, u lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

3.   Sal-31 ta' Marzu ta' kull sena, il-President għandu jittrażmetti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.l-kontijiet proviżorji tal-Bord għas-sena finanzjarjapreċedenti.

4.   Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-bord, il-President, filwaqt li jaġixxi fuq ir-responsabilità tiegħu jew tagħha stess, għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Bord u għandu jibgħathom lill-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu, għall-approvazzjoni.

5.   Sal-1 ta' Lulju ta' kull sena, il-President għandu, wara l-approvazzjoni tal-Bord, jibgħat il-kontijiet finali għas-sena finanzjarja preċedenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti tal-Awdituri.

6.   Fejn jaslu osservazzjonijiet mill-Qorti tal-Awdituri, il--President għandu jibgħat tweġiba sat-30 ta' Settembru.

7.   Sal-15 ta' Novembru ta' kull sena, il-kontijiet finali għas-sena finanzjarjapreċedenti għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Il-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, għandu jagħti l-kwittanza lill-President fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit.

9.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, il-President għandu jippreżenta kwalunkwe informazzjoni msemmija fil-kontijiet tal-Bord lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tagħmel it-talba, soġġett għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 64

Regoli finanzjarji

Wara li jikkonsulta lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni u lill-Kummissjoni, il-Bord għandu jadotta dispożizzjonijiet finanzjarji interni li jispeċifikaw, partikolarment, il-proċedura dettaljata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikoli 61 u 63.

Sa fejn ikun kumpatibbli mal-karatteristiċi partikolari tal-Bord, id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom ikunu bbażati fuq ir-Regolament finanzjarju ta' qafas adottat għal korpi mwaqqfa skont it-TFUE skont l-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 (20).

Artikolu 65

Kontribuzzjonijiet għan-nefqiet amministrattivi tal-Bord

1.   L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom jikkontribwixxu għall-parti I tal-baġit tal-Bord skont dan ir-Regolament u l-atti delegati dwar il-kontribuzzjonijiet adottati skont il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu.

2.   L-ammonti tal-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ffisati f'tali livell li jiżgura li d-dħul fir-rigward tagħhom fil-prinċipju jkun suffiċjenti biex il-parti I tal-baġit tal-Bord jiġi bbilanċjat kull sena.

3.   Il-Bord għandu jiddetermina u jiġbor, f'konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-kontribuzzjonijiet dovuti minn kull entità msemmija fl-Artikolu 2 b'deċiżjoni indirizzata lill-entità kkonċernata. Il-Bord għandu japplika regoli proċedurali, ta' rappurtar u regoli oħra li jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu b'mod sħiħ u f'waqtu.

4.   L-ammonti miġbura skont il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 93 biex:

(a)

tiddetermina t-tip ta' kontribuzzjonijiet u l-kwistjonijiet li għalihom huma dovuti kontribuzzjonijiet, il-mod li bih l-ammont tal-kontribuzzjonijiet huwa kkalkolat u l-mod li bih għandhom jitħallsu;

(b)

tispeċifika r-regoli dwar ir-reġistrazzjoni, il-kontabbiltà u r-rappurtar u regoli oħra msemmija fil-paragrafu 3 neċessarji biex ikun żgurat li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu b'mod sħiħ u f'waqtu;

(c)

tiddetermina l-kontribuzzjonijiet annwali neċessarji biex tiġi koperta n-nefqa amministrattiva tal-Bord qabel ma jsir kompletament operazzjonali.

Artikolu 66

Miżuri kontra l-frodi

1.   Għall-fini tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21), fi żmien sitt xhur mill-jum li l-Bord isir operazzjonali, huwa għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 dwar l-investigazzjonijiet interni mill- OLAF u għandu jadotta immedjatament id-dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tal-Bord bl-użu tal-mudell li jidher fl-Anness ta' dak il-Ftehim Interistituzzjonali.

2.   Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija mogħtija s-setgħa ta' awditjar, abbażi ta' dokumenti u żjarat fuq il-post, fuq il-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi mingħand il-Bord.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' kuntratt iffinanzjat mill-Bord skont id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (22) u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

KAPITOLU 2

Il-Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tal-Banek

Taqsima 1

Kostituzzjoni tal-Fond

Artikolu 67

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Il-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (“il-Fond”) huwa b'dan stabbilit. Dan għandu jimtela f'konformità mar-regoli dwar it-trasferiment tal-fondi miġbura fil-livell nazzjonali lill-Fond kif stipulat fil-Ftehim.

2.   Il-Bord għandu juża l-Fond biss għall-finijiet li tkun żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-għodod ta' riżoluzzjoni u l-eżerċizzju tas-setgħat ta' riżoluzzjoni msemmija fil-Parti II, Titolu I u skont l-objettivi ta' riżoluzzjoni u l-prinċipji li jirregolaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikoli 14 u 15. Il-baġit tal-Unjoni jew il-baġits nazzjonali fl-ebda ċirkostanza ma għandhom jinżammu responsabbli għal spejjeż jew telf tal-Fond.

3.   Is-sid tal-Fond għandu jkun il-Bord.

4.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 69, 70 u 71 għandhom jinġabru mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u għandhom jiġu ttrasferiti lill-Fond f'konformità mal-Ftehim.

Artikolu 68

Rekwiżiti biex jiġu stabbiliti arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni

L-Istati Membri parteċipanti għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti ta' finanzjament f'konformità mal-Artikolu 100 tad-Direttiva 2014/59/UE u ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 69

Livell immirat

1.   Sal-aħħar ta' perijodu inizjali ta' tmien snin mill-1 ta' Jannar 2016 jew, inkella, mid-data li fiha dan il-paragrafu jkun applikabbli permezz tal-Artikolu 99(6), il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-Fond għandhom jilħqu mill-inqas 1 % tal-ammont ta' depożiti koperti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha awtorizzati fl-Istati Mebri parteċipanti kollha.

2.   Matul il-perijodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1, kontribuzzjonijiet lill-Fond ikkalkolati skont l-Artikolu 70, u miġbura f'konformità mal-Artikolu 67(4), għandhom jitqassmu maż-żmien bl-aktar mod ekwu possibbli sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira, iżda bil-konsiderazzjoni dovuta tal-fażi taċ-ċiklu ta' negozju u l-impatt li l-kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-instituzzjonijiet kontribwenti.

3.   Il-Bord għandu jestendi l-perijodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1 b'massimu ta' erba' snin fil-każ li l-Fond ikun għamel żborzi akkumulati ta' aktar minn 0,5 % tal-ammont totali ta' depożiti koperti msemmi fil-paragrafu 1 u fejn il-kriterji tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 5(b) jkunu sodisfatti.

4.   Jekk, wara l-perijodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1, il-mezzi finanzjarji disponibbli jonqsu taħt il-livell fil-mira speċifikat f' dak il-paragrafu, il-kontribuzzjonijiet regolari kkalkolati skont l-Artikolu 70 għandhom jinġabru sakemm jintlaħaq il-livell fil-mira. Wara li jkun intlaħaq il-livell fil-mira għall-ewwel darba u fejn il-mezzi finanzjarji disponibbli jkunu sussegwentement tnaqqsu għal anqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira, dawk il-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien sitt snin.

Il-kontribuzzjoni regolari għandha tieħu kont dovut tal-fażi taċ-ċiklu ta' negozju, u l-impatt li kontribuzzjonijiet proċikliċi jista' jkollhom fl-iffissar tal-kontribuzzjonijiet annwali fil-kuntest ta' dan il-paragrafu.

5.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delgati skont l-Artikolu 93 biex tispeċifika dan li ġej:

(a)

kriterji biex il-kontribuzzjonijiet għall-Fond ikkalkolati skont il-paragrafu 2 jitqassmu tul iż-żmien;

(b)

kriterji għad-determinazzjoni tal-għadd ta' snin li bihom il-perijodu inizjali msemmi fil-paragrafu 1 jista' jkun estiż skont il-paragrafu 3;

(c)

kriterji għall-istabbiliment tal-kontribuzzjonijiet annwali previsti fil-paragrafu 4.

Artikolu 70

Kontribuzzjonijiet ex ante

1.   Il-kontribuzzjoni individwali ta' kull istituzzjoni għandha tinġabar mill-inqas kull sena u għandha tiġi kkalkolata prorata skont l-ammont tal-obbligazzjonijiet tagħha (minbarra l-fondi proprji) li minnu jitnaqqsu d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet aggregati (minbarra l-fondi proprji) u filwaqt li jitnaqqsu d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha.

2.   Kull sena, il-Bord, wara li jikkonsulta l-BĊE jew l-awtorità nazzjonali kompetenti u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, għandu jikkalkula l-kontribuzzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li l-kontribuzzjonijiet dovuti mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha ma jaqbżux 12,5 % tal-livell fil-mira.

Kull sena l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għal istituzzjonijiet individwali għandu jkun ibbażat fuq:

(a)

kontribuzzjoni fissa, li tkun ibbażata prorata għall-ammont tal-obbligazzjonijiet ta' istituzzjoni minbarra l-fondi proprji u d-depożiti koperti, fir-rigward tal-obbligazzjonijiet totali, bl-esklużjoni tal-fondi proprji u d-depożiti koperti, tal-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti; u

(b)

kontribuzzjoni aġġustata skont ir-riskju, li għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jitqies il-prinċipju ta' proporzjonalità, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ bejn l-istrutturi tas-settur tal-banek tal-Istati Membri.

Ir-relazzjoni bejn il-kontribuzzjoni fissa u l-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju għandha tikkunsidra distribuzzjoni bbilanċjata tal-kontribuzzjonijiet bejn tipi differenti ta' banek.

Fi kwalunkwe każ, l-ammont aggregat ta' kontribuzzjonijiet individwali mill-istituzzjonijiet kollha awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti kollha, ikkalkolat skont il-punti (a) u (b), ma għandux jaqbeż annwalment it-12,5 % tal-livell fil-mira.

3.   Il-mezzi finanzjarji disponibbli li għandhom jitqiesu biex jintlaħaq il-livell immirat speċifikat fl-Artikolu 69 jistgħu jinkludu impenji ta' pagamenti irrevokabbli li huma kompletament sostnuti b'kollateral ta' assi b'riskju baxx mhux ostakolati b'xi drittijiet ta' parti terza, għad-dispożizzjoni ħielsa u allokati għall-użu esklużiv tal-Bord għall-finijiet speċifikati fl-Artikolu 76(1). Is-sehem ta' dawk l-impenji irrevokabbli ta' pagament ma għandhomx jaqbżu t-30 % tal-ammont totali ta' kontribuzzjonijiet miġbura skont dan l-Artikolu.

4.   Il-kontribuzzjonijiet riċevuti debitament ta' kull entità msemmija fl-Artikolu 2 ma għandhomx jiġu rimborsati lil dawk l-entitajiet.

5.   Fejn l-Istati Membri parteċipanti jkunu diġà stabbilixxew arranġamenti nazzjonali tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni, jistgħu jipprevedu li dawk l-arranġamenti jużaw il-mezzi finanzjarji disponibbli tagħhom, miġbura minn istituzzjonijiet, bejn is-17 ta' Ġunju 2010 u d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/59/UE, biex jikkumpensaw lill-istituzzjonijiet għall-kontribuzzjonijiet ex-ante li dawk l-istituzzjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa jħallsu lill-Fond. Tali restituzzjoni għandha tkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri stipulati fid-Direttiva 2014/49/UE.

6.   L-atti delegati li jispeċifikaw l-idea ta' aġġustament tal-kontribuzzjonijiet proporzjonalment għall-profil ta' riskju tal-istituzzjonijiet, adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 103 (7) tad-Direttiva 2014/59/UE, għandhom jiġu applikati.

7.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, fil-qafas tal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6, jadotta atti ta' implimentazzjoni biex jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3, u b'mod partikolari fir-rigward ta':

(a)

l-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu ta' kontribuzzjonijiet individwali;

(b)

il-modalitajiet prattiċi għall-allokazzjoni lill-istituzzjonijiet tal-fatturi ta' riskju speċifikati fl-att delegat.

Artikolu 71

Kontribuzzjonijiet straordinarji ex post

1.   Fejn il-mezzi finanzjarji disponibbli mhumiex suffiċjenti biex ikopru t-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-Fond f'azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post mingħand l-istituzzjonijiet awtorizzati fit-territorji tal-Istati Membri parteċipanti għandhom jinġabru, sabiex ikunu koperti l-ammonti addizzjonali. Dawk il-kontribuzzjonijiet straordinarji għandhom jiġu kkalkolati u allokati bejn l-istituzzjonijiet skont ir-regoli stipulati fl-Artikoli 69 u 70.

L-ammont totali tal-kontribuzzjonijiet ex post straordinarji kull sena ma għandux jaqbż l-ammont annwali tal-kontribuzzjonijiet għal tliet darbiet determinati f'konformità mal-Artikolu 70.

2.   Skont l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3, il-Bord għandu, fuq inizjattiva tiegħu stess, wara li jikkonsulta mal-awtorità nazzjonli ta' riżoluzzjoni jew fuq proposta minn awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni, jiddifferixxi, parzjalment jew kompletament, f'konformità mal-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3, l-ħlas minn istituzzjoni ta' kontribuzzjonijiet ex post straordinarji skont il-paragrafu 1 jekkdan ikun neċessarju biex tipproteġi l-pożizzjoni finanzjarja tagħha. Tali differiment ma għandux isir għal perijodu itwal minn sitt xhur iżda jista' jiġġedded fuq talba tal-istituzzjoni. Il-kontribuzzjonijiet differiti skont dan il-paragrafu għandhom isiruf'perijodu aktar tard meta l-pagament ma jipperikolax aktar il-pożizzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni.

3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 93 biex tispeċifika ċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta' kontribuzzjoniijiet ex post minn entità msemmija fl-Artikolu 2 jista' jkun parzjalment jew kompletament differit skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 72

Self volontarju bejn arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni

1.   Il-Bord għandu jiddeċiedi li jagħmel talba biex jissellef volontarjament għall-Fond mill-arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni fl-Istati Membri mhux parteċipanti, fil-każ li:

(a)

l-ammonti miġbura taħt l-Artikolu 70 ma humiex biżżejjed biex ikopru t-telf, il-kostijiet jew spejjeż oħra mġarrba bl-użu tal-Fond b'rabta ma' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni;

(b)

il-kontribuzzjonijiet straordinarji ex post previsti fl-Artikolu 71 mhumiex immedjatament aċċessibbli; u

(c)

il-mezzi alternattivi ta' finanzjament previsti fl-Artikolu 73 mhumiex immedjatament aċċessibbli b'kondizzjonijiet raġonevoli.

2.   Dawk l-arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni għandhom jiddeċiedu fuq it-tali talba skont l-Artikolu 106 tad-Direttiva 2014/59/UE; Il-kondizzjonijiet tas-self għandhom ikunu soġġetti għall- Artikolu 106(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

3.   Il-Bord jista' jiddeċiedi li jsellef lil arranġamenti tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni oħrajn fi Stati Membri mhux parteċipanti jekk issir talba skont l-Artikolu 106 tad-Direttiva 2014/59/UE. Il-kondizzjonijiet tas-self għandhom ikunu soġġetti għall-Artikolu 106(4), (5) u (6) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 73

Mezzi alternattivi ta' finazjament

1.   Il-Bord jista' jikkuntratta għas-self tal-Fond jew forom oħra ta' sostenn minn dawk l-istituzzjonijiet, istituzzjonijiet finanzjarji jew partijiet terzi oħra, li joffru kondizzjonijiet ta' finanzjament aħjar fl-iktar żmien xieraq sabiex jottimizza l-kost tal-finanzjament u ma jitlifx ir-reputazzjoni tiegħu fil-każ li l-ammonti miġbura skont l-Artikoli 70 u 71 ma jkunux immedjatament aċċessibbli jew ma jkoprux l-ispejjeż imġarrba mill-użu tal-Fond b'rabta ma' azzjonijiet ta' riżoluzzjoni.

2.   Is-self jew forom oħra ta' sostenn imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu kompletament irkuprati f'konformità mal-Artikoli 69, 70 u 71 fil-perijodu ta' maturità tas-selfa.

3.   Kwalunkwe spiża mġarrba mill-użu tas-self speċifikat fil-paragrafu 1 għandha titħallas mill-Parti II tal-baġit tal-Bord u mhux mill-baġit tal-Unjoni jew l-Istati Membri parteċipanti.

Artikolu 74

Aċċess għal faċilità finanzjarja

Il-Bord għandu jikkuntratta għall-arranġamenti finanzjarji tal-Fond, inkluż, fejn possibbli, arranġamenti finanzjarji, fir-rigward tad-disponibilità immedjata ta' mezzi finanzjarji addizzjonali biex jintużaw skont l-Artikolu 76, meta l-ammonti miġbura jew disponibbli skont l-Artikoli 70 u 71 ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligi tal-Fondi.

Taqsima 2

Amministrazzjoni tal-Fond

Artikolu 75

Investimenti

1.   Il-Bord għandu jamministra l-Fond skont dan ir-Regolament u l-atti delegati adottati skont il-paragrafu 4.

2.   L-ammonti rċevuti mingħand istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew istituzzjoni tranżitorja, l-imgħax u gwadann ieħor fuq l-investimenti u kwalunkwe gwadann ieħor għandu jkun biss għall-benefiċċju tal-Fond.

3.   Il-Bord għandu jkollu strateġija ta' investiment prudenti u sikura li hi prevista fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u għandu jinvesti l-ammonti miżmuma fil-Fond f'obbligi tal-Istati Membri jew ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi, jew f'assi likwidi ħafna b'affidabbiltà għolja tal-kreditu, filwaqt li jqis l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 460 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 kif ukoll dispożizzjonijiet rilevanti oħra ta' dak ir-Regolament. L-investimenti għandhom ikunu settorjalment, ġeografikament u proporzjonalment diversifikati biżżejjed. Ir-redditu fuq dawk l-investimenti għandu jkun ta' benefiċċju għall-Fond.

4.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati dwar ir-regoli dettaljati għall-amministrazzjoni tal-Fond u kriterji u prinċipji ġenerali għall-istrateġija ta' investiment tiegħu, skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 93.

Taqsima 3

Użu tal-Fond

Artikolu 76

Missjoni tal-Fond

1.   Fil-qafas tal-iskema ta' riżoluzzjoni, meta jiġu applikati l-għodod ta' r-riżoluzzjoni fuq l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, il-Bord jista' juża l-Fond biss sal-punt neċessarju biex jiżgura l-applikazzjoni effikaċi tal-għodod ta' riżoluzzjoni għall-iskopijiet li ġejjin:

(a)

biex jiġu garantiti l-assi jew l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, is-sussidjarji tagħha, istituzzjoni tranżitorja jew ta' mezz tal-immaniġġjar tal-assi;

(b)

biex jingħata self lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, is-sussidjarji tagħha, istituzzjoni tranżitorja jew mezz tal-immaniġġjar tal-assi;

(c)

biex jinxtraw assi tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni;

(d)

biex isiru kontribuzzjonijiet għal istituzzjoni tranżitorja u mezz tal-immaniġġjar tal-assi;

(e)

biex jitħallas kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk, wara evalwazzjoni skont l-Artikolu 20(5) ikunu ġarrbu telf ikbar milli kieku kienu jġarrbu, wara valwazzjoni skont l-Artikolu 20(16), fi stralċ skont proċeduri normali ta' insolvenza;

(f)

biex issir kontribuzzjoni lill-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni minflok il-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni ta' obbligazzjonijiet ta' ċerti kredituri, meta tiġi applikata l-għodda ta' rikapitalizzazzjoni interna u tittieħed id-deċiżjoni biex ċerti kredituri jiġu esklużi mill-ambitu tar-rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(5);

(g)

biex tittieħed kwalunkwe kombinazzjoni ta' azzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f).

2.   Il-Fond jista' jintuża sabiex jittieħdu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 anki fir-rigward tal-akkwirent fil-kuntest tal-għodda tal-bejgħ tal-operat.

3.   Il-Fond ma għandux jintuża direttament biex jassorbi t-telf ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jew biex tiġi rikapitalizzata tali entità. F'każ li l-użu tal-arranġament tal-Fond għall-finijiet fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu iwassal indirettament biex parti mit-telf ta' entità msemmija fl-Artikolu 2 jgħaddi fuq il-Fond, għandhom japplikaw il-prinċipji li jirregolaw l-użu tal-Fond imsemmija fl-Artikolu 27.

4.   Il-Bord ma jistax iżomm il-kapital li ssir kontribuzzjoni għalih skont il-punt (f) tal-paragrafu 1 għal perijodu li jaqbeż il-ħames snin.

Artikolu 77

Użu tal-fond

L-użu tal-Fond għandu jkun kontinġenti fuq il-Ftehim li permezz tiegħu l-Istati Membri parteċipanti jaqblu li jittrasferixxu lill-Fond, il-kontribuzzjonijiet li jiġbru fil-livell nazzjonali f'konformità ma' dan ir-Regolament u mad-Direttiva 2014/59/UE u għandu jkun f'konformità mal-prinċipji stipulati f'dak il-Ftehim.

Għaldaqstant, sakemm il-Fond jilħaq il-livell immirat ta' finanzjament kif imsemmi fl-Artikolu 69, iżda sa mhux iktar tard minn tmien snin wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, il-Bord għandu juża l-Fond skont prinċipji bbażati fuq diviżjoni tal-Fond f'kompartimenti nazzjonali li jikkorrispondu għal kull Stat Membru parteċipanti, kif ukoll fuq fużjoni progressiva tal-fondi differenti miġbura fil-livell nazzjonali biex ikunu allokati lil kompartimenti nazzjonali tal-Fond, kif stipulat fil-Ftehim.

Artikolu 78

Mutwalizzazzjoni ta' arranġamenti nazzjonali ta' finanzjament fil-każ ta' riżoluzzjoni ta- grupp li tinvolvi istituzzjonijiet fi Stati Membri mhux parteċipanti

Fil-każ ta' riżoluzzjoni tal-' grupp li tinvolvi istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti wieħed jew aktar minn naħa waħda, u istituzzjonijiet stabbiliti fi Stat Membru mhux parteċipanti wieħed jew aktar min-naħa l-oħra, il-Fond għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tar-riżoluzzjoni tal-grupp skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(2) sa (5) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 79

Użu tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti fil-kuntest ta' riżoluzzjoni

1.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jiżguraw li, meta l-Bord jieħu azzjonijiet ta' riżoluzzjoni, sakemm dawk l-azzjonijiet jiżguraw li d-depożitanti jibqa' jkollhom aċċess għad-depożiti tagħhom, l-iskema ta' garanzija tad-depożiti li l-istituzzjoni tkun affiljata magħha għandha tkun responsabbli għall-ammonti speċifikati fl-Artikolu 109 (1) u (4) tad-Direttiva 2014/59/UE.

L-iskema ta' garanzija tad-depożiti rilevanti għandha tissurroga d-drittijiet u l-obbligi ta' depożitanti koperti fi proċedimenti ta' likwidazzjoni għal ammont ugwali għall-ħlas tagħha.

2.   Id-determinazzjoni tal-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti hija responsabbli għalih skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20.

3.   Qabel ma jiddeċiedi, skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-ammont li l-iskema ta' garanzija tad-depożiti hija responsabbli għalih, il-Bord għandu jikkonsulta mal-awtorità maħtura kkonċernata fis-sens tal-Artikolu 2(1)(18) tad-Direttiva 2014/49/UE b'kont sħiħ meħud tal-urġenza tal-kwistjoni.

4.   Fejn depożiti eliġibbli ma' istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jiġu ttrasferiti lil entità oħra permezz tal-għodda tal-bejgħ ta' operat jew tal-għodda ta' istituzzjoni tranżitorja, id-depożitanti ma jkollhom l-ebda pretensjoni skont id-Direttiva 2014/49/UE kontra l-iskema ta' garanzija tad-depożiti fir-rigward ta' kwalunkwe parti tad-depożiti tagħhom fl-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni li ma tiġix trasferita, sakemm dak l-ammont ta' fondi ttrasferiti jkun daqs jew iktar mil-livell aggregat ta' kopertura previst fl-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 sa 4, jekk il-mezzi finanzjarji disponibbli tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti jintużaw skont dik u sussegwentement jitnaqqsu għal inqas minn żewġ terzi tal-livell fil-mira tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti, il-kontribuzzjoni regolari għall-iskema ta' garanzija tad-depożiti għandha tiġi stabbilita f'livell li jippermetti li jintlaħaq il-livell fil-mira fi żmien sitt snin.

L-obbligazzjoni ta' skema ta' garanzija tad-depożiti ma għandhiex tkun akbar mill-ammont ekwivalenti għal 50 % tal-livell immirat skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2014/49/UE.

Fi kwalunkwe ċirkostanza, il-parteċipazzjoni tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti skont dan ir-regolament ma għandhiex teċċedi t-telf li ġġarrab fi stralċ skont il-proċedimenti ta' insolvenza normali.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 80

Privileġġi u Immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea anness mat-TUE u t-TFUE għandu japplika għall-Bord u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 81

Arranġamenti lingwistiċi

1.   Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (23) għandu japplika għall-Bord.

2.   Il-Bord għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti lingwistiċi interni tal-Bord.

3.   Il-Bord jista' jiddeċiedi liema lingwi uffiċjali juża meta jibgħat dokumenti lill-istituzzjonijiet jew lill-korpi tal-Unjoni.

4.   Il-Bord jista' jiftiehem ma' kull awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni dwar il-lingwa jew il-lingwi li bihom għandhom jiġu abbozzati d-dokumenti li jridu jintbagħtu lil jew mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni.

5.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għat-tħaddim tal-Bord għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-korpi tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 82

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal, il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għall-fini li dawn jiġu applikati, għandhom japplikaw għall-persunal tal-Bord.

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, il-President, il-Viċi President u l-erba' membri msemmija fl-Artikolu 43(1)(b) għandhom, rispettivament, ikunu fuq l-istess livell bħal Viċi President, Imħallef u Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-emolumenti u l-età tal-pensjoni, kif definit fir-Regolament Nru 422/67/KEE, 5/67/Euratom tal-Kunsill (24); ma għandhomx ikunu soġġetti għal età tal-pensjoni massima. Fir-rigward ta' aspetti mhux koperti b'dan ir-Regolament jew bir-Regolament Nru 422/67/KEE, 5/67/Euratom, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għandhom japplikaw b'analoġija.

2.   Il-Bord, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni neċessarji skont l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Fir-rigward tal-persunal tiegħu, il-Bord għandu jeżerċita s-setgħat konferiti fuq l-awtorità tal-ħatra mir-Regolamenti dwar il-Persunal u fuq l-awtorità intitolata sabiex tikkonkludi kuntratti skont il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Artikolu 83

Skambju tal-persunal

1.   Il-Bord jista' juża esperti nazzjonali ssekondati jew persunal ieħor mhux impjegat mill-Bord.

2.   Il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu għandu jadotta deċiżjonijiet xierqa li jistabbilixxu r-regoli dwar l-iskambju u s-sekondar ta' persunal minn u fost l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni mal-Bord.

3.   Il-Bord jista' jistabbilixxi timijiet interni ta' riżoluzzjoni magħmula mill-persunal tiegħu stess u minn persunal ta' awtoritajiet nazzjonalita' riżoluzzjoni, kif ukoll osservaturi minn awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' Stati Membri mhux parteċipanti, fejn ikun xieraq.

4.   Fejn il-Bord jistabbilixxi timijiet interni ta' riżoluzzjoni kif previst fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandu jaħtar koordinaturi ta' dawk it-timijiet mill-persunal tiegħu stess. F'konformità mal-Artikolu 51(3), il-koordinaturi jistgħu jkunu mistiedna bħala osservaturi biex jattendu l-laqgħat tas-sessjoni eżekuttiva tal-Bord fejn il-membri maħtura mill-Istati Membri rispettivi jipparteċipaw f'konformità mal-Artikolu 53(3) u (4).

Artikolu 84

Kumitati interni

Il-Bord jista' jistabbilixxi kumitati interni biex jipprovduh b'parir u gwida dwar il-kwittanza tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-Regolament.

Artikolu 85

Bord tal-Appell

1.   Il-Bord għandu jistabbilixxi Bord tal-Appell bl-iskop li jiddeċiedi dwar appelli ppreżentati skont il-paragrafu 3.

2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn ħames individwi ta' reputazzjoni tajba, mill-Istati Membri u b'rekord ippruvat ta' għarfien u esperjenza professjonali rilevanti, inkluża esperjenza ta' riżoluzzjoni, sa livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-settur tal-banek jew servizzi finanzjarji oħrajn, bl-esklużjoni tal-persunal attwali tal-Bord, kif ukoll persunal attwali ta' awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn involuti fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lill-Bord b'dan ir-Regolament. Il-Bord tal-Appell għandu jkollu riżorsi u għarfien espert suffiċjenti biex jagħti konsulenza legali esperta dwar il-legalità tal-eżerċizzju min-naħa tal-Bord tas-setgħat tiegħu. Il-membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord għal perijodu ta' ħames snin, li jista' jiġi estiż darba, wara sejħa pubblika għal espressjoni ta' interess ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma ma għandhom ikunu marbutin bl-ebda struzzjoni.

3.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, tista' tappella kontra deċiżjoni tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 10(10), l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 38 sa 41b, l-Artikolu 65(3), l-Artikolu 71 u l-Artikolu 90(3) indirizzata lil dik il-persuna, jew li tkun tikkonċerna b'mod dirett u individwali lil dik il-persuna.

L-appell, flimkien ma' dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Bord tal-Appell fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna kkonċernata, jew, fin-nuqqas ta' notifika, mill-jum li fih il-persuna kkonċernata tkun saret taf bid-deċiżjoni.

4.   Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi dwar l-appell fi żmien xahar minn meta jkun ġie ppreżentat l-appell.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi abbażi ta' maġġoranza ta' mill-inqas tlieta mill-ħames membri tiegħu.

5.   Il-membri tal-Bord tal-Appell għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dak l-għan, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kull interess dirett jew indirett li jista' jitqies bħala ta' preġudizzju għall-indipendenza tagħhom jew in-nuqqas ta' tali interess.

6.   Appell li jkun sar skont il-paragrafu 3 ma għandux ikollu effett sospensiv.

Madankollu, il-Bord tal-Appell jista', jekk iqis li ċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan, jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

7.   Jekk l-appell ikun ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk għandux bażi tajba. Huwa għandu jistieden lill-partijiet fil-proċedimenti ta' appell sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar in-notifiki tiegħu stess jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn għall-proċedimenti tal-appell, fil-limiti taż-żmien speċifikati. Il-partijiet fil-proċedimenti tal-appell għandhom ikunu intitolati jagħmlu rappreżentazzjonijiet orali.

8.   Il-Bord tal-Appell jista' jikkonferma d-deċiżjoni meħuda mill-Bord, jew jirreferi l-każ lil dan tal-aħħar. Il-Bord għandu jintrabat bid-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u għandu jadotta deċiżjoni emendata fir-rigward tal-każ ikkonċernat.

9.   Id-deċijonijiet tal-Bord tal-Appell għandhom ikunu motivati u notifikati lill-partijiet.

10.   Il-Bord tal-Appell għandu jadotta u jippubblika r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 86

Azzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

1.   Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li jikkontestaw deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, fejn ma jkun hemm l-ebda dritt tal-appell lill-Bord tal-Appell, mill-Bord.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjoniji tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjonijiet tal-Bord, skont l-Artikolu 263 TFUE.

3.   Fil-każ li l-Bord ikollu obbligu li jaġixxi u jonqos milli jieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta' azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 265 TFUE.

4.   Il-Bord għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 87

Responsabbiltà tal-Bord

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tal-Bord għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni biex taqta' sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li jkun hemm f'kuntratt konkluż mill-Bord.

3.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, il-Bord għandu, f'konformità mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet li jikkonċernaw ir-responsabbilità tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara li tiġi kkawżata minnu jew mill-persunal tiegħu fit-twettiq ta' dmirijietu, b'mod partikolari l-funzjonijiet tagħhom ta' riżoluzzjoni, inklużi atti u ommissjonijiet b'sostenn għal proċedimenti barranin ta' riżoluzzjoni.

4.   Il-Bord għandu jikkumpensa awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni għad-danni li jkun ġie ordnat iħallas minn qorti nazzjonali, jew li jkun, bi ftehim mal-Bord, impenja ruħu li jħallas skont ftehim bonarju, li jkunu l-konsegwenzi ta' att jew ommissjoni mwettqa minn dik l-awtorità nazzjonali ta' riżoluzzjoni matul kwalunkwe riżoluzzjoni skont dan ir-Regolament ta' entitajiet u gruppi kif imsemmi fl-Artikolu 7(2), u ta' entitajiet u gruppi kif imsemmi fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' dawk il-paragrafi jiġu sodisfatti jew skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(3). Dak l-obbligu ma għandux japplika meta dak l-att jew l-ommissjoni jikkostitwixxu ksur ta' dan ir-Regolament, ta' dispożizzjoni oħra tal-liġi tal-Unjoni, ta' deċiżjoni tal-Bord, tal-Kunsill, jew tal-Kummissjoni, imwettaq intenzjonalment jew bi żball serju u manifestanti ta' ġudizzju għaqli.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwim relatat mal-paragrafi 3 u 4. Il-proċedimenti fi kwistjonijiet li jinħolqu minn responsabbiltà mhux kuntrattwali għandhom jiġu preskritti wara perijodu ta' ħames snin minn meta jiġri l-fatt li jagħti lok għalihom.

6.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn il-Bord għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg li japplikaw għalihom.

Artikolu 88

Segretezza professjonali u skambju ta' informazzjoni

1.   Il-membri tal-Bord, il-Viċi President, il-membri tal-Bord kif imsemmi fl-Artikolu 43(1)(b), il-persunal tal-Bord u l-persunal ta' skambju ma' jew issekondat minn Stati Membri parteċipanti li jwettqu dmirijiet ta' riżoluzzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, anki wara li dmirijiethom ikunu spiċċaw. B'mod partikolari għandhom ikunu pprojbiti milli jiżvelaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul l-attivitajiet professjonali tagħhom jew minn awtorità kompetenti jew awtorità ta' riżoluzzjoni b'rabta mal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament, lil kwalunkwe persuna jew awtorità, sakemm dan ma jkunx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew f'sommarju jew forma kollettiva b'tali mod li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew bil-kunsens espliċitu u minn qabel tal-awtorità jew l-entità li tkun forniet l-informazzjoni.

L-informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta' proċess legali.

Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw ukoll għal akkwirenti potenzjali kkuntattjati sabiex iħejju għar-riżoluzzjoni ta' entità skont l-Artikolu 13(3).

2.   Il-Bord għandu jiżgura li individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b'mod permanenti jew okkażjonalment, relatati mal-qadi ta' dmirijietu, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord jew maħtura mill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni biex jagħmlu ispezzjonijiet fuq il-post, ikunu soġġetti għar- rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord u għall-osservaturi minn Stati Membri mhux parteċipanti li jieħdu sehem f'timijiet interni ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 83(3).

4.   Il-Bord għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura trattament u pproċessar sikuri tal-informazzjoni kunfidenzjali.

5.   Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b'mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista' jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta' kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta' riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta' kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta' riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.

6.   Dan l-Artikolu ma għandux iwaqqaf lill-Bord, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-BĊE, lill-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-impjegati u l-esperti tagħhom, milli jikkondividu informazzjoni ma' xulxin u ma' Ministri kompetentibanek ċentrali, skemi ta' garanzija tad-depożiti, skemi ta' kumpens ta' investituri, awtoritajiet responsabbli għall-proċedimenti normali ta' insolvenza, awtoritajiet kompetenti u ta' riżoluzzjoni minn Stati Membri mhux parteċipanti, l-ABE, jew, soġġett għall-Artikolu 33, awtoritajiet ta' pajjiżi terzi li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti għal dawk ta' awtorità ta' riżoluzzjoni, jew, soġġett għal rekwiżiti stretti ta' kunfidenzjalità, ma' akkwirent potenzjali għall-finijiet ta' ppjanar jew twettiq ta' azzjoni ta' riżoluzzjoni.

Artikolu 89

Protezzjoni tad-data

Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar min-naħa tagħhom ta' data personali skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) jew l-obbligi tal-Bord, tal-Kunsill u l-Kummissjoni relatati mal-ipproċessar min-naħa tagħhom ta' data personali skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħhom.

Artikolu 90

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Bord.

2.   Il-Bord għandu, fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, jadotta l-miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Id-Deċiżjonijiet meħudin mill-Bord skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta' lment lill-Ombudsman Ewropew jew ta' proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara appell lill-Bord tal-Appell, imsemmi fl-Artikolu 85 ta' dan ir-Regolament, kif ikun xieraq, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 228 u 263 TFUE rispettivament.

4.   Il-persuni li jkunu s-suġġett tad-deċiżjonijiet tal-Bord għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-Bord, soġġett għall-interess leġittimu ta' persuni oħra fil-ħarsien tas-sigrieti tan-negozju tagħhom. Id-dritt ta' aċċess għall-fajl ma għandux ikun estiż għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-Bord.

Artikolu 91

Regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

Il-Bord għandu japplika l-prinċipji tas-sigurtà li jinsabu fir-regoli tas-sigurtà tal-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (EUCI), u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (28). L-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sigurtà għandha tinkludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-iskambju, l-ipproċessar u l-ħżin ta' informazzjoni bħal din.

Artikolu 92

Il-Qorti tal-Awdituri

1.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tipproduċi rapport speċjali għal kull perijodu ta' 12-il xahar, li jibda fl-1 ta' April ta' kull sena.

2.   Kull rapport għandu jeżamina jekk:

(a)

ingħatatx konsiderazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi li bih intuża l-Fond, b'mod partikolari l-ħtieġa li jiġi minimizzat l-użu tal-Fond;

(b)

il-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Fond kinitx effiċjenti u rigoruża.

3.   Kull rapport skont il-paragrafu 1 għandu jiġi prodott fi żmien sitt xhur minn tmiem il-perijodu ta' riferiment tar-rapport.

4.   B'segwitu għal konsiderazzjoni tal-kontijiet finali mħejjija mill-Bord skont l-Artikolu 60, il-Qorti tal-Awdituri għandha tħejji rapport dwar is-sejbiet tagħha sal-1 ta' Diċembru wara kull sena finanzjarja. Il-Qorti tal-Awdituri għandha, partikolarment, tirrapporta dwar kwalunkwe obbligazzjoni kontinġenti (indipendentement minn jekk hux għall-Bord, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew le) li tinħoloq b'riżultat tat-twettiq mill-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jitolbu li l-Qorti tal-Awdituri teżamina kwalunkwe kwistjoni rilevanti oħra li taqa' fil-kompetenza tagħhom stipulata fl-Artikolu 287(4) TFUE.

6.   Ir-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandhom jintbagħtu lill-Bord, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni u għandhom jiġu ppubblikati bla dewmien.

7.   Fi żmien xahrejn mid-data li fiha kull rapport skont il-paragrafu 1 jiġi ppubblikat, il-Kummissjoni għandha tipprovdi risposta dettaljata bil-miktub li għandha ssir pubblika.

Fi żmien xahrejn mid-data li fiha kull rapport skont il-paragrafu 4 jiġi ppubblikat, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, kull wieħed, jipprovdu risposta dettaljata bil-miktub li għandha ssir pubblika.

8.   Il-Qorti tal-Awdituri hija mogħtija s-setgħa li tikseb mill-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti għat-twettiq tal-kompiti konferiti lilha minn dan l-Artikolu. Il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba f'tali limitu ta' żmien li jista' jiġi speċifikat mill-Qorti tal-Awdituri.

PARTI IV

SETGĦAT TA' EŻEKUZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 93

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega ta' setgħat imsemmija fl-Artikolu 19(8), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 69(5), l-Artikolu 71(3) u l-Artikolu 75(4) hija mogħtija għal perijodu ta' żmien indeterminat mid-dati rilevanti msemmija fl-Artikolu 99.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza bejn atti delegati adottati skont dan ir-Regolament u atti delegati adottati skont id-Direttiva 2014/59/UE.

4.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 19(8), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 69(5), l-Artikolu 71(3) u l-Artikolu 75(4) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 19(8), l-Artikolu 65(5), l-Artikolu 69(5),l-Artikolu 71(3) u l-Artikolu 75(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

7.   Il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta atti delegati fejn iż-żmien għall-iskrutinju mill-Parlament Ewropew jonqos minħabba vaganza għal inqas minn ħames xhur, inkluża kwalunkwe estensjoni.

Artikolu 94

Reviżjoni

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2018, u kull tliet snin minn hemm 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'enfasi speċjali fuq il-monitoraġġ tal-impatt potenzjali fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Dan ir-rapport għandu jivvaluta:

(a)

il-funzjonament tal-SRM, il-kosteffiċjenza tiegħu, kif ukoll l-impatt tal-attivitajiet tiegħu ta' riżoluzzjoni fuq l-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u fuq il-koerenza u l-integrità tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji, inkluż l-impatt possibbli tiegħu fuq l-istrutturi tas-sistemi tal-banek nazzjonali fi ħdan l-Unjoni, b'paragun ta' sistemi tal-banek oħrajn, u dwar l-effettività tal-arranġamenti tal-kooperazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni fil-SRM, bejn l-SRM u l-SSM, u bejn l-SRM, l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni ta' Stati Membri mhux parteċipanti b'mod partikolari fil-valutazzjoni jekk:

(i)

hemmx ħtieġa li l-funzjonijiet allokati b'dan ir-Regolament lill-Bord, lill- Kunsill u lill-Kummissjoni, ikunux eżerċitati esklużivament minn istituzzjoni indipendenti tal-Unjoni u, jekk dan ikun il-każ, jekk tkunx meħtieġa xi bidla tad-dispożizzjonijiet rilevanti inkluż fil-livell tal-liġi primarja;

(ii)

il-kooperazzjoni bejn l-SRM, l-SSM, il-BERS, l-ABE, l-ESMA u l-EIOPA, u l-awtoritajiet l-oħra li jagħmlu parti mis-SESF hijiex xierqa;

(iii)

il-portafoll tal-investiment skont l-Artikolu 75 huwiex magħmul minn assi sodi u diversifikati;

(iv)

ir-rabta bejn id-dejn sovran u r-riskju tal-banek ġietx maqtuha;

(v)

l-arranġamenti ta' governanza, inklużi t-tqassim tal-kompiti fi ħdan il-Bord u l-kompożizzjoni tal-arranġamenti ta' votazzjoni kemm fl-eżekuttiv kif ukoll fis-sessjonijiet plenarji tal-Bord u r-relazzjonijiet mal-Kummissjoni u mal-Kunsill humiex xierqa;

(vi)

il-punt ta' referenza biex jiġi stabbilit il-livell fil-mira għall-Fond huwiex adegwat, jekk id-depożiti koperti jew l-obbligazzjonijiet totali humiex bażi aktar adatta u jekk għandux jiġi stabbilit ammont minimu assolut għall-Fond sabiex tiġi evitata l-volatilità fil-fluss ta' mezzi finanzjarji għall-Fond u biex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-adegwatezza tal-finanzjament tal-Fond matul iż-żmien;

(vii)

huwiex meħtieġ li jiġi mmodifikat il-livell immirat għall-Fond u l-livell ta' kontribuzzjonijiet sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni;

(b)

l-effikaċja tal-arranġamenti ta' indipendenza u responsabbiltà;

(c)

l-interazzjoni bejn il-Bord u l-ABE;

(d)

l-interazzjoni bejn il-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti u l-effetti tal-SRM fuq dawk l-Istati Membri, u l-interazzjoni bejn il-Bord u l-awtoritajiet relevanti ta' pajjiżi terzi kif definit fl-Artikolu 2(1)(90) tad-Direttiva 2014/59/UE;

(e)

il-ħtieġa li jittieħdu passi sabiex jiġu armonizzati l-proċedimenti ta' insolvenza għal istituzzjonijiet falluti.

2.   Ir-rapport għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti ta' akkumpanjament, skont kif ikun xieraq.

3.   Meta jsir ir-rieżami tad-Direttiva 2014/59/UE, il-Kummissjoni tiġi mistiedna tressaq, skont kif ikun xieraq, rieżami korrispondenti ta' dan ir-Regolament, kif meħtieġ.

Artikolu 95

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Ir-Regolament (KE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 4, il-punt (2) huwa ssostitwit b'dan li ġej:

“(2)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser:

(i)

awtoritajiet kompetenti kif iddefinit fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-kompiti kkonferiti lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013u fid-Direttiva 2007/64/KE,u kif imsemmi fid-Direttiva 2009/110/KE;

(ii)

fir-rigward tad-Direttivi 2002/65/KE u 2005/60/KE, l-awtoritajiet kompetenti tfisser l-awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta' dawk id-Direttivi mill-istituzzjonijiet ta' kreditu u dawk finanzjarji;

(iii)

f'dak li jirrigwarda l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti, il-korpi li jamministraw skemi ta' garanzija tad-depożiti skont id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), jew, meta l-operat tal-iskema ta' garanzija tad-depożiti tkun amministrata minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tagħmel superviżjoni ta' dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva; u

(iv)

fir-rigward tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) u tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***), l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni, definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u l-Kunsill u l-Kummissjoni meta jieħdu azzjonijiet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, għajr meta huma jeżerċitaw setgħat diskrezzjonali jew jagħmlu għażliet ta' politika.

(*)  Id-Direttiva 2014/49/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April, 2014 dwar l-iskema ta'garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 2014/6/12, p. 149)."

(**)  Direttiva 2014/59/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/EU u 2013/36/EU, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 2014/6/12, p. 190)."

(***)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti ta' investiment fil-qafas ta 'Mekkaniżmu Riżoluzzjoni Wieħed u Riżoluzzjoni Uniku Fond u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010. (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)”;"

(2)

Fl-Artikolu 25, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   L-Awtorità tista' torganizza u tagħmel rieżamijiet bejn il-pari tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-attivitajiet konġunti tal-Bord imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni tal-Istati Membri mhux parteċipanti fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni fir-riżoluzzjoni ta' gruppi transkonfinali biex issaħħaħ l-effikaċja u l-konsistenza tal-eżiti. Għal dak il-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjoni u paraguni oġġettivi.”;

(3)

Fl-Artikolu 40(6), is- subparagrafu li ġej huwa miżjud:

“Għall-fini li jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2014/59/UE, il-President tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni għandu jkun osservatur fil-Bord tas-Superviżuri.”.

Artikolu 96

Sostituzzjoni tal-arranġamenti nazzjonali tal-finanzjament ta' riżoluzzjoni

Mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 99(2) u (6) ta' dan ir-Regolament, il-Fond għandu jitqies li huwa l-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti skont Artikoli 99 sa 109 tad-Direttiva 2014/59/UE.

Artikolu 97

Ftehim dwar l-uffiċċji prinċipali u l-kondizzjonijiet operazzjonali

1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Bord fl-Istat Membru ospitanti fejn tkun tinsab is-sede tiegħu u l-faċilitajiet li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f'dak l-Istat Membru lill-President, il-membri tal-Bord, fis-sessjoni plenarja tiegħu, il-persunal tal-Bord u l-membri tal-familji tagħhom għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar l-Uffiċċju Prinċipali bejn il-Bord u dak l-Istat Membru, konkluż wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu u mhux aktar tard minn tal-20 ta' Awwissu 2016.

2.   L-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tal-Bord għandu jipprovdi l-aħjar kondizzjonijiet possibbli biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Bord, inklużi skejjel multilingwi, b'orjentazzjoni Ewropea u konnessjonijiet xierqa tat-trasport.

Artikolu 98

Bidu tal-attivitajiet tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jsir kompletament operattiv sal-1 ta' Jannar 2015.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għat-twaqqif u l-operat inizjali tal-Bord sakemm il-Bord ikollu l-kapaċità operazzjonali biex jimplimenta l-baġit tiegħu stess. Għal dak il-għan:

(a)

sa meta l-President jibda l-kompiti tiegħu jew tagħha wara l-ħatra tiegħu jew tagħha mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 56, il-Kummissjoni tista' taħtar uffiċjal tal-Kummissjoni biex jaġixxi bħala President interim u jeżerċita d-dmirijiet assenjati lill-President;

(b)

b'deroga mill-Artikolu 50(1)(l) u sakemm tiġi adottata deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 50(3), il-President interim għandu jeżerċita s-setgħat tal-awtorità tal-ħatra;

(c)

il-Kummissjoni tista' toffri għajnuna lill-Bord, b'mod partikolari billi tissekonda uffiċjali tal-Kummissjoni biex iwettqu l-attivitajiet tal-aġenzija fir-responsabbiltà tal-President interim jew tal-President;

3.   Il-President interim jista' jawtorizza l-pagamenti kollha koperti mill-approprjazzjonijiet imdaħħla fil-baġit tal-Bord u jista' jikkonkludi kuntratti, inklużi kuntratti tal-persunal.

Artikolu 99

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Bl-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 3 sa 5, dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2016.

3.   B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet relatati mas-setgħat tal-Bord biex jiġbor informazzjoni u jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta' riżoluzzjoni għall-elaborazzjoni tal-ippjanar ta' riżoluzzjoni, skont l-Artikoli 8 u 9 u d-dispożizzjonijiet relatati l-oħra kollha għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015.

4.   B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikoli 1 sa 4, 6, 30, 42 sa 48, 49, Artikolu 50(1)(a), (b) u (g) sa (p), Artikolu 50(3), Artikolu 51, Artikolu 52(1) u (4), Artikolu 53(1) u (2), Artikoli 56 sa 59, 61 sa 66, 80 sa 84, 87 sa 95 u 97 u 98 għandhom japplikaw mid-19 ta' Awwissu 2014.

5.   B'deroga mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 69(5), l-Artikolu 70(6) u (7) u l-Artikolu 71(3) li jagħtu s-setgħa lill-Kunsill biex jadotta atti ta' implimentazzjoni u lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, għandhom japplikaw mill-1 ta' Novembru 2014.

6.   Mill-1 ta' Jannar 2015, il-Bord għandu jippreżenta rapport kull xahar approvat fis-sessjoni plenarji tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet għat-trasferiment ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond ġewx sodisfatti.

Mill-1 ta' Diċembru 2015, fejn dawk ir-rapporti juru li l-kondizzjonijiet għat-trasferimennt ta' kontribuzzjonijiet lill-Fond ma ġewx sodisfatti, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi posposta kull darba b'xahar. Il-Bord għandu jippreżenta rapport ieħor kull darba fi tmiem dak ix-xahar.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  ĠU C 109, 11.4.2014, p. 2.

(2)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 58.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas- superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(5)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173,12.6.2014, p. 190).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea għat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(8)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(9)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(10)  Direttiva 2014/49/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta'garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 2014/6/12, p. 149).

(11)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi AwtoritàSuperviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(12)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(13)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(14)  Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 dwar skemi ta' kumpens għall-investitur (ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22).

(15)  Direttiva 2014/65/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju, 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/KE (ĠU L 173, 2014/6/12, p. 349).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).

(17)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(18)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar il-finalità ta' settlement fis-sistemi ta' settlement ta' pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(19)  Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta' impjieg ta' uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(20)  Regolament (UE, Euratom) Nru 996/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012. p. 1).

(21)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18/09/2013, p. 1).

(22)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

(23)  Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(24)  Regolament tal-Kunsill Nru 422/67/KEE, Nru 5/67/Euratom tal-25 ta' Lulju 1967 li jistabbilixxi l-emolumenti tal-President u tal-Membri tal-Kummissjoni, tal-President, tal-Imħallfin, tal-Avukati Ġenerali u tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-President, tal-Membri u tar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 187, 8.8.1967, p. 1).

(25)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(26)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(27)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(28)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom tad-29 ta' Novembru 2001 li temenda r-Regoli Interni tal-Proċedura (ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1).


Rettifika

30.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/91


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 610/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen), il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 u (KE) Nru 539/2001, u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 182 tad-29 ta' Ġunju 2013 )

F'paġna 8, il-punt 21 tal-Artikolu 1:

minflok:

“(21)

L-Annessi III, IV, VI, VII u VIII għar-Regolament (KE) Nru 562/2006 huma emendati skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.”;

aqra:

“(21)

L-Annessi III sa VIII għar-Regolament (KE) Nru 562/2006 huma emendati skont l-Anness I għal dan ir-Regolament.”.


30.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 225/92


Rettifika għar-Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 16 April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 118 tat-22 ta' April 2014 )

Fil-paġna tal-qoxra, u f'paġna 1:

minflok:

“Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 16 April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina”,

aqra:

“Regolament (UE) Nru 374/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta' dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fl-Ukraina”.