ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 181

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
20 ta' Ġunju 2014


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament

1

 

*

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

48

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 641/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

74

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 639/2014

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 4(3), 8(3), 9(5), 35(1), (2) u (3), 36(6), 39(3), 43(12), 44(5), 45(5) u (6), 46(9), 50(11), 52(9), 57(3), 58(5), 59(3), 67(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistabbilixxi qafas legali ġdid li jikkonsisti f’sistema ġdida ta’ appoġġ dirett, inkluż pagament bażiku għall-bdiewa u skemi oħrajn ta’ appoġġ. Dan jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tal-iskemi fil-qafas legali l-ġdid, ċerti regoli jridu jiġu adottati permezz ta’ dawn l-atti. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dawn ir-regoli għandhom ikunu sempliċi u faċli biex jiġu kkontrollati. Dawk l-atti għandhom jieħdu post ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 (3) u (KE) Nru 1121/2009 (4).

(2)

Jeħtieġ li dak il-qafas jiġi ssupplimentat b’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet ġenerali, l-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja, il-pagament għall-bdiewa li jsegwu prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, il-pagament għall-bdiewa żgħażagħ li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom, l-appoġġ akkoppjat volontarju, il-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ tal-qoton u b’rabta man-notifiki meħtieġa fir-rigward ta’ kull skema ta’ appoġġ.

(3)

Bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-aġġustamenti tal-pagamenti diretti fir-rigward tad-dixxiplina finanzjarja, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali dwar is-sekwenza għall-kalkolu ta’ tali tnaqqis fir-rigward tat-tnaqqis skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(4)

F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (6), jixraq li jiġi ċċarat li l-Istati Membri, meta jiġu biex jadottaw miżuri għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, għandhom jużaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom filwaqt li josservaw ċerti prinċipji, inkluż, b’mod partikolari, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

(5)

L-appoġġ minbarra l-appoġġ akkoppjat għandu jirrispetta r-rekwiżiti li għandhom jitqiesu bħala appoġġ għad-dħul diżakkopjat fis-sens tal-“Kaxxa l-Ħadra” tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura konkluż matul il-Laqgħat ta’ negozjati kummerċjali multilaterali tal-Urugwaj (7), u l-appoġġ akkoppjat għandu jirrispetta r-rekwiżiti li għandhom jitqiesu li jaqgħu taħt il-“Kaxxa l-Blu” ta’ dak il-Ftehim.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, “attività agrikola” ma teħtieġx il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli. Il-bdiewa minflok jistgħu jżommu żona agrikola fi stat li jkun tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn mill-metodi u l-makkinarji agrikoli tas-soltu jew, f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, iwettqu ċerta attività minima. Billi ż-żewġ attivitajiet tal-aħħar, it-tnejn jeħtieġu ċerta azzjoni min-naħa tal-bidwi, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas tal-Unjoni li fi ħdanu l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kriterji ulterjuri għal dawn l-attivitajiet.

(7)

Għal raġunijiet ambjentali, id-definizzjoni ta’ “bwar permanenti” fl-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tinkludi wkoll speċi li mhumiex erbaċej bħal arbuxxelli u/jew siġar, li jistgħu jintużaw għar-ragħa, sakemm il-ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti fl-art relevanti. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi stabbilit kriterju sabiex jiġi stabbilit f’liema każijiet il-ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti.

(8)

Din id-definizzjoni ta’ “bwar permanenti” tippermetti lill-Istati Membri li jikkunsidraw ukoll bħala bur permanenti art li tista’ tintuża għar-ragħa u li tifforma parti minn prattiki lokali stabbiliti fejn ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor tradizzjonalment mhumiex predominanti f’żoni tar-ragħa. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu stipulati l-kriterji li abbażi tagħhom jistgħu jiġu ddeterminati tali prattiki lokali stabbiliti.

(9)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala bur permanenti art li tista’ tintuża għar-ragħa u li tifforma parti minn prattiki lokali stabbiliti fejn ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor tradizzjonalment mhumiex predominanti f’żoni tar-ragħa. Tali bwar permanenti jistgħu jkunu soġġetti għal koeffiċjent ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata ta’ dik id-dispożizzjoni, ikun xieraq li tingħata l-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta’ żoni sabiex jiġu applikati koeffiċjenti ta’ tnaqqis differenti għal tali kategoriji.

(10)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li ma jingħata ebda pagament dirett lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew lil gruppi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li ż-żoni agrikoli tagħhom huma prinċipalment żoni miżmuma b’mod naturali fi stat xieraq għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni u li ma jwettqux, f’dawn iż-żoni, l-attività minima ddefinita mill-Istati Membri. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi ddeterminat meta tali żoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-parti ewlenija tal-art agrikola ta’ bidwi u li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

(11)

Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-entitajiet li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-hekk imsejħa lista negattiva għandhom jitqiesu bdiewa attivi jekk ikunu kapaċi jagħtu prova li huma jissodisfaw wieħed mill-kriterji elenkati f’dik id-dispożizzjoni. Wieħed minn dawn il-kriterji jikkonsisti fil-wiri li l-ammont annwali tal-pagamenti diretti huwa mill-anqas 5 % tar-rikavati totali miksuba minn attivitajiet mhux agrikoli. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu stipulati dispożizzjonijiet sabiex jiġi stabbilit jekk ir-rikavati jkunux ġejjin minn attivitajiet agrikoli jew minn attivitajiet mhux agrikoli.

(12)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar kif l-ammont annwali tal-pagamenti diretti għandu jiġi ddeterminat għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) u, fejn xieraq, tal-Artikolu 9(3), kif ukoll għall-għanijiet tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jeżenta ċerti bdiewa mill-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament. Biex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija, fejn il-pagamenti diretti huma soġġetti għal dħul gradwali, f’dawk l-Istati Membri l-ammont annwali ta’ pagamenti diretti għandu jkun ibbażat fuq l-ammonti finali li għandhom jingħataw fl-aħħar tal-proċess ta’ dħul gradwali.

(13)

F’konformità mal-Artikolu 9(2) u, fejn ikun applikabbli, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-bdiewa jistgħu jiġu esklużi mill-appoġġ meta l-attivitajiet agrikoli tagħhom huma insinifikanti jew meta l-miri prinċipali tan-negozju jew tal-kumpanija tagħhom ma jikkonsistux fl-eżerċitar ta’ attività agrikola. Jeħtieġ li jiġu ddefiniti ċerti kriterji f’dan ir-rigward, filwaqt li l-Istati Membri jingħataw possibbiltà li jistabbilixxu kriterji alternattivi sabiex jimmiraw attivitajiet agrikoli li huma biss marġinali.

(14)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula ħafna possibbiltajiet għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament lill-bdiewa. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, għandu jiġi stipulat li, f’każ ta’ wirt attwali jew antiċipat, jew wirt revokabbli antiċipat, fużjonijiet jew qsim ta’ azjenda, l-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu rċevuti huma stabbiliti skont l-istess kundizzjonijiet daqs li kieku japplikaw għall-bidwi li oriġinarjament kien imexxi l-azjenda. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti regoli biex jiġi stabbilit in-numru ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati fil-każ ta’ azjendi li jirriżultaw minn qasma fejn dawn l-azjendi jkunu jinsabu fi Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 24(4) jew (5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Għal raġunijiet ta’ aspettattivi leġittimi tal-bdiewa, bidliet fl-istatus legali ta’ bidwi ma għandhomx ikollhom impatt fuq l-għadd jew il-valur ta’ drittijiet għall-pagament li l-bidwi jista’ jirċievi fejn tali bidwi jibqa’ f’kontroll tal-azjenda f’termini ta’ ġestjoni, benefiċċji u riskji finanzjarji.

(15)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tkun żgurata l-ġestjoni tajba tad-drittijiet għall-pagament, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li huma biss dawk l-ettari eliġibbli li huma stabbiliti skont il-punt (23)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (8) li għandhom jitqiesu għall-allokazzjoni u l-attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament.

(16)

F’konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (9), id-drittijiet għall-pagament għandhom jingħataw lill-persuna li għandha s-setgħa li tieħu d-deċiżjonijiet, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji marbuta mal-attività agrikola fuq l-art li għaliha qed tintalab din l-allokazzjoni. Huwa xieraq li jiġi ċċarat li dan il-prinċipju japplika b’mod partikolari meta ettaru eliġibbli huwa soġġett għal applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn aktar minn bidwi wieħed.

(17)

L-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jippermetti li l-Istati Membri japplikaw koeffiċjent ta’ tnaqqis għal ċerti ettari eliġibbli taħt bwar permanenti li jinsabu f’żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli, speċjalment minħabba l-altitudni u limitazzjonijiet naturali oħra. Biex tkun żgurata l-applikazzjoni proporzjonata ta’ dik id-dispożizzjoni, huwa xieraq li jiġi stabbilit qafas għall-applikazzjoni ta’ tali koeffiċjent ta’ tnaqqis, b’mod partikolari fir-rigward tal-limiti għal dak it-tnaqqis.

(18)

L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013jistabbilixxi l-prinċipju bażiku li bdiewa attivi biss jistgħu jirċievu pagamenti diretti. Barra minn hekk, l-Artikolu 24(9) ta’ dak ir-Regolament jippermetti lill-Istati Membri jiffissaw daqs minimu għal kull azjenda għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament. Huwa xieraq li dawn id-dispożizzjonijiet jitqiesu wkoll fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur tad-drittijiet għall-pagament.

(19)

Meta l-appoġġ mogħti għas-sena kalendarja 2014 jitqies skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ unità inizjali ta’ drittijiet għall-pagament, għandu jiġi ċċarat li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jqisux il-miżuri kollha elenkati f’dik id-dispożizzjoni. Biex tiġi evitata kwalunkwe penali mhux dovuta għall-bdiewa, l-ammonti ta’ referenza relevanti għad-determinazzjoni tal-valur ta’ drittijiet għall-pagament ma għandhomx jinkludu kwalunkwe tnaqqis jew esklużjonijiet stabbiliti skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009. Huwa xieraq li jiġi speċifikat kif dak l-appoġġ għandu jitqies u li jiġu stabbiliti kriterji oħra meħtieġa biex tiġi rispettata n-natura diżakkoppjata ta’ ċerti skemi li jistgħu jitqiesu.

(20)

Barra minn hekk, bil-għan li jiġi determinat il-valur ta’ unità inizjali ta’ drittijiet għall-pagament, jeħtieġ li jiġi ċċarat li fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet għall-pagament miżmumin minn bidwi jinkludu wkoll dawk id-drittijiet għall-pagament li huma mikrija lil bidwi ieħor fid-data tas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni mil-lokatur għall-2014.

(21)

Biex ikun jista’ jsir tbassir ta’ appoġġ għad-dħul għall-bdiewa, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza sa meta l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu u jikkomunikaw lill-bdiewa l-valur definittiv u l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament fejn il-bdiewa kienu mgħarrfin abbażi ta’ dejta provviżorja.

(22)

Għall-finijiet tal-Artikolu 26 jew tal-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, meta bidwi jkun affettwat minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali matul is-sena ta’ referenza msemmija f’dawk l-Artikoli, huwa xieraq li jiġi stabbilit il-valur tad-drittijiet għall-pagament abbażi tal-aħħar sena mhux affettwata minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu ċertu limitu f’termini ta’ impatt ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali fuq l-appoġġ dirett riċevut fis-sena ta’ referenza sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv.

(23)

Għall-bejgħ jew kiri ta’ azjenda jew parti minnha li seħħ fil-perjodu qabel id-data tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-iskema, għandu jiġi pprovdut li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-bdiewa jistgħu jittrasferixxu b’kuntratt id-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati flimkien mal-azjenda jew parti minnha. Skont it-tali klawsola ta’ kuntratt privat, id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lill-bejjiegħ jew lil-lokatur, rispettivament, u ttrasferiti direttament lix-xerrej jew lil-lokatarju rispettivament, li se jgawdi, fejn japplika, mit-teħid tal-pagamenti li rċieva l-bejjiegħ jew il-lokatur, rispettivament, għall-2014 jew mill-valur tad-drittijiet li kellu l-bejjiegħ jew il-lokatur fl-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 bħala referenza għall-valur tal-unità inizjali tad-drittijiet ta’ pagament. Għandu jiġi ċċarat ukoll li l-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandux jiġi applikat għal tali trasferimenti.

(24)

Fir-rigward tal-kalkolazzjoni tal-valur tal-unità tad-drittijiet għall-pagament, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari dwar kif iċ-ċifri jitqarrbu lejn l-iktar numru viċin, dwar il-possibbiltà li d-drittijiet eżistenti għall-pagament jinqasmu meta d-daqs tal-ħabel art li jiġi ddikjarat jew trasferit mad-dritt ikun jammonta biss għal frazzjoni ta’ ettari, u dwar il-possibbiltà li jkun hemm fużjoni ta’ drittijiet u frazzjonijiet.

(25)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li tiġi stabbilita data ta’ skadenza sa meta għandhom jitwaqqfu r-reġjuni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(26)

Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-ġestjoni tar-riżervi reġjonali.

(27)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji u perċentwali massimi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 biex jiġi evitat li kwalunkwe tnaqqis skont dik id-dispożizzjoni jirriżulta fi xkiel sostanzjali jew projbizzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet għall-pagament.

(28)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li tiġi ċċarata d-determinazzjoni tal-ammont li jista’ jitreġġa’ lura lejn ir-riżerva nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 28 jew 40(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 meta jiġu stabbiliti d-drittijiet għall-pagament fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku.

(29)

L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprovdi għall-każijiet obbligatorji u fakultattivi ta’ allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali. Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli għall-kalkolu tal-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati b’tali mod u li jiġi stipulat li l-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 30(6) ta’ dak ir-Regolament mhumiex imxejna permezz tad-deċiżjonijiet li l-Istati Membri huma awtorizzati li jieħdu skont l-Artikolu 30(7) u (10) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha tkun koerenti mal-Artikolu 24(6) u (7) ta’ dak ir-Regolament u mar-regoli dwar it-tbatija f’dan ir-Regolament. Sabiex tiġi żgurata n-natura diżakkoppjata tal-iskema ta’ pagament bażiku, il-kalkolu tal-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament skont ir-riżerva nazzjonali jew reġjonali ma għandhomx ikunu bbażati fuq kriterji speċifiċi għas-settur wara d-data ffissata mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (10) għas-sena ta’ pretensjoni 2013.

(30)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom, huwa xieraq li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom” imsemmi fl-Artikolu 30(11)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(31)

Meta Stati Membri jallokaw drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 30(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-valur ta’ tali drittijiet għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikolu 25 jew 40 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(32)

L-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprovdi lill-Istati Membri b’għadd ta’ possibbiltajiet biex jillimitaw l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-bdiewa. Għaldaqstant, xi bdiewa jista’ jkollhom proporzjon għoli ta’ ettari eliġibbli li mhumiex koperti minn drittijiet għall-pagament li jistgħu jwasslu għal każijiet ta’ tbatija hekk kif ċerti skemi ta’ appoġġ li huma addizzjonali għall-iskema ta’ pagament bażiku, b’mod partikolari l-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, huma bbażati fuq l-ettari eliġibbli ddikjarati għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament. Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jallokaw drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali meta bidwi jiġi affettwat b’mod sinifikanti mil-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Peress li ċerti oqsma mhumiex soġġetti għall-obbligi ta’ approċċ aktar ekoloġiku jew jinvolvu biss spejjeż limitati ta’ konformità mal-approċċ ekoloġiku, l-Istati Membri għandhom jitħallew ukoll jiddeċiedu li ma jinkludux dawn l-oqsma meta jiddeċiedu dwar il-każijiet ta’ tbatija.

(33)

Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet għall-pagament fil-pussess ta’ bidwi (sjieda jew kirja) iżjed mill-ettari eliġibbli għad-dispożizzjoni tiegħu għandhom jiskadu. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, huwa xieraq li tiġi ċċarata l-ordni ta’ prijorità ta’ skadenza ta’ dawk id-drittijiet għall-pagament u li jiġu ddefiniti aktar regoli dwar l-implimentazzjoni. Barra minn hekk huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li jqisu din id-dispożizzjoni anke fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur tad-drittijiet għall-pagament.

(34)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li l-pagament bażiku f’xi Stati Membri jista’ jiġi implimentat fil-forma tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja sa mhux aktar tard mill-2020. Wara li ġie kkunsidrat il-fatt li l-pagament uniku skont l-erja għal kull ettaru huwa kkalkulat kull sena u li l-eliġibbiltà għall-pagament bażiku hija prekundizzjoni għall-aċċess għall-biċċa l-kbira tal-iskemi l-oħra ta’ pagament dirett u għaldaqstant intrinsikament konnessi magħhom, huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li huma biss dawk l-ettari eliġibbli, li huma ddeterminati skont il-punt (23)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 li għandhom jitqiesu għall-finijiet tal-iskemi relevanti.

(35)

Stat Membru li japplika l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u li japplika l-iskema ta’ pagament bażiku sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2018 jista’ jiddivrenzja l-pagament uniku skont l-erja għal kull ettaru filwaqt li jqis xi pagamenti mogħtija għas-sena kalendarja 2014. Għall-finijiet ta’ dak id-divrenzjar, huwa xieraq li jiġi speċifikat kif dawk il-pagamenti għandhom jitqiesu u li jiġu stabbiliti kriterji oħra meħtieġa biex tiġi rispettata n-natura diżakkoppjata ta’ xi skemi. Barra minn hekk, meta bidwi kien affettwat minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali li jaffettwaw is-sena kalendarja 2014, huwa xieraq li jiġi stabbilit id-divrenzjar abbażi tal-aħħar sena mhux affettwata minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali. Madankollu l-Istati Membri għandhom jitħallew jistabbilixxu ċertu limitu f’termini ta’ impatt ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali fuq l-appoġġ dirett riċevut fis-sena ta’ referenza sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, għandhom jiġu provduti regoli għall-każ ta’ wirt attwali jew antiċipat.

(36)

Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pagament għal prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent (pagament għal “approċċ aktar ekoloġiku”). Ir-rekwiżiti marbuta mal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku kif stipulat fl-att bażiku huma ġġeneralizzati (applikabbli li jsegwu l-istess mudell għall-benefiċjarji kollha) u jipprovdu għal azzjonijiet mhux kuntrattwali, li jiżguraw globalment li l-agrikoltura tal-UE tkun ibbażata fuq prattiki li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. Dawn il-prinċipji stabbiliti fl-att bażiku għandhom jitqiesu meta jiġu speċifikati r-regoli ddettaljati li jikkonċernaw il-prattiki għal approċċ aktar ekoloġiku.

(37)

Sabiex ikun hemm livell xieraq ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-obbligi stipulati mill-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 dwar prattiki ekwivalenti koperti minn skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali jew reġjonali, għandhom jiġu stabbiliti kriterji fir-rigward tal-ħatra ta’ awtoritajiet pubbliċi jew privati ta’ ċertifikazzjoni.

(38)

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju li ma jkunx hemm finanzjament doppju, jeħtieġ li jiġu previsti regoli għall-kalkolu tal-pagamenti għal ċerti impenji speċifiċi li jkopru l-prattiki msemmija fil-punti 3 u 4 tat-Taqsima I u l-punt 7 tat-Taqsima III tal-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Billi dawn l-impenji jikkonċernaw prattiki ekwivalenti li jippermettu lill-bdiewa jieħdu impenji bħal dawn biex jissodisfaw obbligu wieħed jew aktar sabiex jirċievu l-pagament “ekoloġiku” li huwa msemmi fil-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-pagamenti għal dawk l-impenji, meta mqabbla mal-pagament normali previst fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), għandhom jitnaqqsu bl-ammont li għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-livell ta’ pagament ekoloġiku fl-Istat Membru jew fir-reġjun ikkonċernat jew f’każijiet speċifiċi bbażati fuq il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku individwali tal-bidwi.

(39)

L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula l-obbligi fir-rigward tal-għadd ta’ għelejjel u l-ishma relattivi ta’ għelejjel fuq art li tinħarat. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli li jikkonċernaw il-kalkoli preċiżi tal-ishma ta’ għelejjel differenti.

(40)

Għandhom jiġu stipulati regoli dwar il-perjodu li se jitqies għall-kalkolu tal-ishma relattivi ta’ għelejjel, u se jitqies iż-żmien prattiku għal attivitajiet tal-kultivazzjoni tal-għelejjel u l-bżonn li tiġi permessa amministrazzjoni sempliċi.

(41)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza għall-bdiewa u l-Istati Membri u sabiex jingħata kontribut għall-protezzjoni tal-elementi tal-pajsaġġ li jinsabu f’għelieqi li jinħartu, jeħtieġ li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fir-rigward taż-żona okkupata mill-karatteristiċi tal-pajsaġġ.

(42)

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ishma ta’ għelejjel differenti, jeħtieġ ukoll li jiġu stipulati regoli supplimentari għall-każijiet speċifiċi ta’ żrigħ imħallat f’ringieli speċifiċi, żrigħ bil-ftit u l-użu ta’ taħlitiet ta’ żrieragħ.

(43)

L-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula obbligi li l-għan tagħhom huwa li jippreservaw żoni ta’ bwar permanenti li jikkontribwixxu l-aktar għall-protezzjoni tal-ambjent u b’mod partikolari għas-sekwestru tal-karbonju, il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ħamrija. Tali bwar permanenti li jikkostitwixxu f’żoni ta’ interess ambjentali għoli, jinsabu fin-netwerk ta’ Natura 2000 iżda anka barra minnu. Għal dawk li jinsabu barra, huwa meħtieġ li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tagħhom, biex jiġi stabbilit qafas għall-Istati Membri għad-deżinjazzjoni tagħhom li għandu jippermetti li dawn iqisu l-kundizzjonijiet fl-Istat Membru u għandu jibni fuq is-sinerġija ma’ politiki ambjentali eżistenti.

(44)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-konverżjoni mill-ġdid taż-żoni ta’ bwar permanenti sabiex jipprovdu għall-protezzjoni matul is-snin ta’ dawn iż-żoni, f’każ ta’ ksur tal-protezzjoni stretta mill-bidwi.

(45)

L-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprovdi għall-protezzjoni tal-ishma ta’ bur permanenti meta mqabbel maż-żona agrikola kollha. Sabiex jintlaħaq dan l-iskop, l-Istati Membri jridu jsegwu mill-qrib l-evoluzzjoni tas-sehem tal-bur permanenti. Għandhom jitħallew jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni bil-quddiem. Il-konverżjonijiet mill-ġdid individwali u l-projbizzjoni ta’ aktar konverżjonijiet għandhom jinħtieġu f’każ ta’ tnaqqis ta’ aktar minn 5 %. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex ikun hemm implimentazzjoni proporzjonata, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-bdiewa u ż-żoni li huma soġġetti għal awtorizzazzjonijiet u konverżjonijiet mill-ġdid.

(46)

Sabiex ikun hemm użu effettiv tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall-konverżjoni ta’ bwar permanenti, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-flessibbiltà li jagħżlu żoni jew gruppi ta’ bdiewa bi prijorità għall-għoti tal-awtorizzazzjoni bbażata fuq kriterji oġġettivi.

(47)

Għandhom jiġu pprovduti regoli dwar il-metodu biex jiġi determinat il-proporzjon ta’ bur permanenti ma’ art agrikola sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn żoni ta’ bwar permanenti jingħaddu darbtejn minħabba l-prattika li l-bur isir fuq rotazzjoni twila u sabiex jiġu evitati li l-konverżjonijiet minn bdiewa żgħar u organiċi, li huma eżentati minn obbligi li jikkonvertu mill-ġdid, ikollhom impatt dirett fuq l-obbligu tal-konverżjoni mill-ġdid ta’ bdiewa oħra. L-Istati Membri għandhom jitħallew jadattaw il-proporzjon ta’ referenza tagħhom f’każijiet iġġustifikati.

(48)

L-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jelenka l-karatteristiċi u ż-żoni li jistgħu jiġu applikati mill-Istati Membri bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Jeħtieġ li jiġu stipulati aktar kriterji biex jiġu kkwalifikati dawk il-katatteristiċi u ż-żoni bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-bijodiversità, dawk il-kriterji għandhom jiżguraw is-salvagwardja u t-titjib tal-bijodiversità fl-irziezet. Dawk il-kriterji għandhom jikkunsidraw ukoll l-isforzi li diġà jkunu saru mill-bdiewa.

(49)

F’art mistrieħa, ir-rekwiżit li ma jkunx hemm produzzjoni, li jirriżulta fil-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-pestiċidi jew tal-fertilizzanti, ma għandux jeskludi azzjonijiet volontarji bħaż-żrigħ ta’ taħlitiet ta’ fjuri slavaġ biex jitjiebu l-benefiċċji tal-bijodiversità. Għandu jiġi ċċarat li l-art li titħalla mistrieħa għal aktar minn ħames snin għall-finijiet tar-rekwiżit ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika għandha tibqa’ art tajba biex tinħarat u ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ bur permanenti.

(50)

Fir-rigward ta’ raba’ mtarraġ, minħabba d-diversità fil-kostruzzjoni tagħhom madwar l-Unjoni, għandu jkun f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet iddettaljati bbażati fuq l-ispeċifiċitajiet nazzjonali jew reġjonali, filwaqt li jqisu l-valur tagħhom għall-bijodiversità.

(51)

Għall-finijiet ta’ ċarezza, il-karatteristiċi tal-pajsaġġ li jgħoddu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika għandhom jiġu elenkati u r-rabta mal-karatteristiċi li diġà huma protetti fl-Istati Membri skont il-kundizzjonalità għandha tiġi ċċarata. Għal xi wħud mill-karatteristiċi, għandu jiġi stabbilit daqs minimu jew massimu sabiex jgħin fl-identifikazzjoni tagħhom u jgħin fil-garanzija li ż-żona hija b’mod predominanti waħda agrikola.

(52)

L-artijiet ta’ lqugħ, li għandhom ikunu qrib id-dawra ta’ barra tal-għelieqi li jinħartu tul il-kanali tal-ilma jew fl-għelieqi li jinsabu aktar ‘il fuq f’telgħa, huma ta’ benefiċċju minħabba li jnaqqsu l-iskular tas-sustanzi niġġiesa lejn l-ilmijiet tal-wiċċ. Fl-interess tal-benefiċċji tal-bijodiversità, għandu jiġi stipulat li dawk iż-żoni kollha meqjusin bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika ma għandhomx jintużaw għall-produzzjoni, u dan jevita wkoll l-użu tal-pestiċidi u jillimita l-applikazzjoni tal-fertilizzanti. Sabiex ikomplu jitjiebu l-benefiċċji tal-bijodiversità, azzjonijiet volontarji bħaż-żrigħ ta’ taħlitiet ta’ fjuri slavaġ ma għandhomx jiġu esklużi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu huma stess jekk l-artijiet ta’ lqugħ jistgħux jintużaw bħala mriegħi u jekk jistax jinqata’ ħaxix biex jintuża bħala foraġġ.

(53)

Fir-rigward tal-ettari agroforestali, għandu jiġi ċċarat li ż-żoni li għandhom jiġu kkunsidrati huma ż-żoni ta’ art li tinħarat li jinsabu f’żona taħt sistema agroforestali li tkun għadha tissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom tkun qed tirċievi jew tkun irċiviet appoġġ għall-iżvilupp rurali. L-Istati Membri li jagħżlu dawk iż-żoni li jissodisfaw l-obbligu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika għandhom jikkunsidraw l-objettiv tal-bijodiversità meta jistabbilixxu l-kundizzjonijiet addizzjonali biex jirċievu l-appoġġ għat-twaqqif ta’ sistemi agroforestali fil-programmi ta’ żvilupp rurali tagħhom.

(54)

Fir-rigward tal-istrixxi ta’ ettari eliġibbli tul it-truf tal-foresti, għandu jkun f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jistabbilixxux rekwiżit li ma ssirx kultivazzjoni li jevita l-użu ta’ inputs fi strixxa stabbilita maġenb il-foresta, sabiex tinħoloq tranżizzjoni ta’ lqugħ għall-foresta li jmiss. Rekwiżit bħal dan se jipprovdi valur ogħla għaż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, li għandu jiġi rifless f’valur divrenzjat għall-fattur ta’ ponderazzjoni għal dan it-tip ta’ żona.

(55)

L-użu limitat tal-inputs meħtieġa għall-kultivazzjoni tal-imsaġar ta’ newba qasira jirriżulta f’benefiċċji indiretti għall-bijodiversità. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jistipulaw il-kundizzjonijiet li japplikaw għal dan it-tip ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, billi jispeċifikaw lista ta’ speċijiet ta’ siġar li jistgħu jintużaw u r-regoli fir-rigward tal-użu tal-inputs.

(56)

Sabiex jippermettu implimentazzjoni li hija adatta għall-kundizzjonijiet nazzjonali u għall-aħjar użu tal-kapaċità tal-għelejjel li jikbru malajr u l-kopertura veġetali biex jassorbu n-nitroġenu residwu b’mod effettiv u bil-għan li jevitaw li jkun hemm ħamrija mikxufa u li t-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art jinfirex, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dati għaż-żrigħ ta’ dawn il-koperturi. L-għelejjel li jikbru malajr jew il-koperturi veġetali għandhom jiġu stabbiliti billi tinżera’ taħlita ta’ speċijiet ta’ għelejjel jew permezz taż-żrigħ tal-ħaxix wara l-għelejjel prinċipali, biex jiġi ottimizzat ir-riżultat agronomiku u ambjentali fir-rigward tal-bijodiversità. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-KAAT 4 kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, id-dati li warajhom ikunu permessi l-qerda bil-magni tal-għelejjel li jikbru malajr u l-kopertura veġetali.

(57)

Fir-rigward tal-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jipprevjenu li t-tkabbir ta’ għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu f’żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika jwassal għal lixxivjazzjoni miżjuda tan-nitroġenu u deterjorament fil-kwalità tal-ilma, li ma jkunux kompatibbli mal-objettivi tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE (12) u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) u jikkompromettu l-għan tal-bijodiversità. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll il-lista ta’ għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu li jitqiesu li jikkontribwixxu biex titjieb il-bijodiversità.

(58)

Sabiex il-benefiċċji tal-eżistenza ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika fuq l-art li tinħarat jiġu massimizzati u biex jiġi żgurat li ż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika jkopru l-perċentwal stipulat fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jiġi stipulat b’mod ċar, fl-interess ta’ ġestjoni effiċjenti, li l-karatteristika ta’ ħabel art jew ta’ pajsaġġ ma għandhiex tingħadd darbtejn fl-istess sena biex ikun hemm konformità mar-rekwiżit ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika.

(59)

L-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jippermetti li l-Istati Membri jimplimentaw sa 50 % tar-rekwiżit taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika individwali fil-livell reġjonali. Sabiex jiġi żgurat li implimentazzjoni reġjonali bħal din tintroduċi benefiċċji addizzjonali mil-lat ambjentali u dak tal-pajsaġġ u tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika (14), għandhom jiġu introdotti regoli dwar il-karatteristiċi li jistgħu jintużaw biex jinbnew żoni kontigwi ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Ir-regoli għandhom jiġu stipulati wkoll fir-rigward tal-għażla taż-żoni bil-għan li jinħolqu sinerġiji fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni agrikoli u ambjentali.

(60)

Għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Istati Membri li tagħti l-possibbiltà lill-bdiewa li jimplimentaw b’mod kollettiv nofs l-obbligu individwali tagħhom fir-rigward taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, kif inhu stipulat fl-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom jiġu introdotti regoli li huma simili għar-regoli dwar l-implimentazzjoni reġjonali fir-rigward tal-karatteristiċi li jistgħu jintużaw biex jinbew żoni kontigwi ta’ konċentrazzjoni ekoloġika biex jiġi ggarantit valur miżjud għall-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għat-tisħiħ tal-infrastruttura ekoloġika. Ir-regoli dwar il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati mill-bdiewa għandhom jistipulaw li l-azjendi tagħhom jeħtieġu li jkunu viċin ħafna, filwaqt li jħallu l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex jikkunsidraw strutturi amministrattivi differenti. Għall-finijiet taċ-ċarezza legali, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-kontenut tal-ftehim bil-miktub li għandu jiġi konkluż bejn il-parteċipanti bil-għan li jiġu stabbiliti d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull wieħed minnhom.

(61)

Fir-rigward tal-possibbiltà li ċerti Stati Membri jeżentaw il-bdiewa f’żoni b’ħafna siġar mill-obbligu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu ċarezza fir-rigward tal-metodi u d-dejta li jridu jintużaw għall-kalkolu tal-proporzjon tal-foresta meta mqabbel mal-erja tal-wiċċ totali tal-art u l-proporzjon tal-foresta meta mqabbel mal-art agrikola.

(62)

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ. B’mod partikolari, il-pagament huwa soġġett għall-kundizzjonijiet li l-bidwi żagħżugħ, bħala l-kap tal-azjenda, ikun qiegħed jistabbilixxi azjenda agrikola għall-ewwel darba, jew diġà jkun stabbilixxa tali azjenda matul il-ħames snin ta’ qabel l-ewwel applikazzjoni għall-pagament, u li l-bidwi ma jkollux aktar minn 40 sena fis-sena li fiha jressaq l-ewwel applikazzjoni għall-pagament. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi huwa xieraq li dawn il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati minn kull persuna fiżika li teżerċita kontroll effettiv u fit-tul fuq il-persuna ġuridika kif definit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. (15). Huwa wkoll meħtieġ li jiġu ċċarati liema kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati mill-persuna ġuridika u mill-persuna/i fiżika/fiżiċi fil-kontroll ta’ dik il-persuna ġuridika.

(63)

Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli tal-pagament lill-bdiewa żgħażagħ, għandu jiġi stipulat li l-pagament jingħata lil persuna ġuridika biss sakemm mill-inqas persuna fiżika waħda li jkollha l-kontroll fuq il-persuna ġuridika fl-ewwel sena tal-applikazzjoni għall-iskema tibqa’ f’dan il-kontroll. Għall-finijiet biex jiġi ddeterminat il-perjodu massimu għall-pagament skont l-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal każijiet fejn persuna ġuridika hija kkontrollata minn aktar minn persuna fiżika waħda.

(64)

Bil-ħsieb li tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn persuni ġuridiċi u grupp ta’ persuni fiżiċi li japplikaw għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, għandhom jiġu applikati regoli ekwivalenti għal grupp ta’ persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jekk l-applikazzjonijiet għall-pagament bażiku u l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ isiru minn dak il-grupp u mhux mill-membri individwali tiegħu.

(65)

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi l-possibbiltà li jingħata appoġġ akkoppjat volontarju lill-bdiewa. Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ imsemmi f’dan il-Kapitolu għandhom jiġu stabbiliti.

(66)

Skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat volontarju jista’ jingħata biss lil dawk is-setturi jew lil dawk ir-reġjuni ta’ Stat Membru fejn tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi jgħaddu minn ċerti diffikultajiet u jkunu partikolarment importanti għal raġunijiet ekonomiċi u/jew soċjali u/jew ambjentali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 52(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat volontarju jista’ jingħata biss safejn ikun meħtieġ li jinħoloq inċentiv għaż-żamma tal-livelli attwali ta’ produzzjoni fir-reġjuni jew setturi kkonċernati. L-appoġġ akkoppjat għandu jieħu l-għamla ta’ pagament annwali u għandu jingħata skont il-limiti kwantitattivi definiti u għandu jkun ibbażat fuq żoni u rendimenti fissi jew fuq numru fiss ta’ annimali. Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri taħt appoġġ akkoppjat volontarju huma mmirati u ġestiti tajjeb filwaqt li sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jfasslu appoġġ akkoppjat volontarju skont il-ħtiġijiet tagħhom, għandha ssir dispożizzjoni li tagħti lill-Istati Membri r-responsabbilità li jiddefinixxu r-reġjuni u/jew it-tipi ta’ biedja eliġibbli għall-appoġġ u biex jistabbilixxu limiti kwantitattivi, kif ukoll il-livell xieraq ta’ appoġġ. Madankollu, sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq, il-pagamenti ma għandhomx ikunu bbażati fuq iċ-ċaqliq tal-prezzijiet tas-suq jew ikunu ekwivalenti għal sistema ta’ pagamenti ta’ kumpens fejn appoġġ agrikolu domestiku jitħallas mill-Istati Membri lill-bdiewa abbażi tad-differenzi bejn il-prezz fil-mira u l-prezz tas-suq domestiku.

(67)

Skont il-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar iż-żerriegħa taż-żejt fi ħdan il-qafas tal-GATT (16), għandha tiġi ffissata żona bażi separata għal produtturi li jibbenefikaw minn pagamenti għaż-żerriegħa taż-żejt li hemm referenza għalihom fl-Anness ta’ dak il-Memorandum ta’ Qbil. Minħabba li ż-żrieragħ taż-żejt huma inklużi fil-lista ta’ setturi u produzzjonijiet eliġibbli għal appoġġ volontarju akkoppjat, huwa xieraq li f’din l-iskema ta’ appoġġ tiġi introdotta żona massima fil-livell tal-Unjoni għaż-żerriegħa taż-żejt imsemmija f’dak il-Memorandum ta’ Qbil biex tiġi żgurata konformità ma’ dan l-impenn internazzjonali. Fil-każ ta’ qbiż tal-limiti ta’ din iż-żona massima, l-Istati Membri għandhom jaġġustaw iż-żona nnotifikata billi japplikaw koeffiċjent ta’ tnaqqis ikkalkulat u kkomunikat lilhom mill-Kummissjoni.

(68)

Skont l-Artikolu 52(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, hija meħtieġa konsistenza bejn l-appoġġ speċifiku mogħti skont dak l-Artikolu u miżuri oħra ta’ appoġġ tal-Unjoni jew miżuri ffinanzjati b’għajnuniet mill-Istat. Għall-ġestjoni tajba tal-iskemi u sabiex jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju, miżuri simili ma għandhomx jiġu ffinanzjati darbtejn, kemm taħt appoġġ akkoppjat volontarju u kif ukoll taħt skemi oħra ta’ għajnuna mill-Unjoni. Minħabba d-diversità tal-għażliet disponibbli għall-Istati Membri meta jimplimentaw l-appoġġ akkoppjat volontarju, dawn għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw tali konsistenza fi ħdan il-qafas stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament

(69)

Skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-Kummissjoni għandha tapprova d-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 53(4) jew, fejn xieraq, fl-Artikolu 53(6)(a) ta’ dak ir-Regolament, fejn tintwera waħda minn ċerti ħtiġijiet fir-reġjun jew fis-settur ikkonċernat. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dak l-Artikolu, għandha ssir dispożizzjoni għall-ispeċifikar tal-kriterji applikabbli għal dawk il-ħtiġijiet.

(70)

Il-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1307/2013 jistipula l-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ tal-qoton. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli u kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta’ art agrikola u l-varjetajiet għall-finijiet ta’ dak il-pagament. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà. Huwa rekwiżit oġġettiv meta l-art għandha tiġi miżrugħa b’tali mod li tinkiseb densità minima ta’ tħawwil li trid tiġi ffissata mill-Istati Membri abbażi ta’ kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima u karatteristiċi reġjonali speċifiċi. L-istabbiliment ta’ regoli speċifiċi dwar il-prattiki agronomiċi għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri.

(71)

L-Istati Membri għandhom japprovaw l-organizzazzjonijiet interprofessjonali tal-produtturi tal-qoton abbażi tal-kriterji oġġettivi relatati mad-daqs u mal-organizzazzjoni interna tagħhom. Id-daqs ta’ organizzazzjoni interprofessjonali għandu jiġi stabbilit, waqt li jitqies ir-rekwiżit li l-impriża membru tal-ħalġ tkun tista’ tilqa’ kunsinna ta’ biżżejjed kwantitajiet ta’ qoton mhux maħluġ.

(72)

Sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet fil-ġestjoni tal-iskema ta’ għajnuna, produttur jista’ ma jkunx membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali waħda. Għal dik ir-raġuni, meta produttur li jkun jagħmel parti minn organizzazzjoni interprofessjonali jintrabat li jforni l-qoton li jkun ipproduċa, għandu jfornih biss lil impriża tal-ħalġ li tkun tagħmel parti mill-istess organizzazzjoni.

(73)

Għall-fini ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u ta’ evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika, hemm bżonn li jiġu stabbiliti obbligi ta’ notifika għall-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi notifikata minnhom dwar id-deċiżjonijiet li ħadu skont it-Titoli II sa V ta’ dak ir-Regolament.

(74)

B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju, hemm bżonn li jiġi speċifikat iktar il-kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi notifikata mill-Istati Membri sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar dak l-appoġġ u biex it-tali notifiki jsiru effiċjenti, b’tali mod li l-Kummissjoni tkun tista’ tivverifika li l-Istati Membri jirrispettaw ir-rekwiżiti dwar il-konsistenza u n-nonkumulazzjoni tal-appoġġ kif ukoll il-perċentwali massimi tal-livelli massimi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ammonti totali relatati meta jitfasslu l-miżuri ta’ appoġġ.

(75)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu għajnuna nazzjonali skont ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jiġi vverifikat li din l-għajnuna tingħata fil-limiti stabbiliti, jixraq li jiġi stabbilit obbligu li l-Kummissjoni tingħata rapporti annwali dwar ċerti dettalji fuq l-għajnuna mogħtija.

(76)

Meta jixraq, il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa b’kull deċiżjoni li tirriżulta minn reviżjoni ta’ deċiżjonijiet notifikati skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew dan ir-Regolament, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja l-applikazzjoni korretta u l-impatt ta’ din ir-reviżjoni. Għaldaqstant, hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dwar l-obbligi ta’ notifika f’dak ir-rigward.

(77)

L-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jinkludi tabella maħsuba biex tistabbilixxi l-fatturi ta’ konverżjoni u ta’ ponderazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(3) ta’ dak ir-Regolament għat-tipi differenti ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Meta ġie adottat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dik it-tabella tħalliet vojta. Għaldaqstant, dak l-Anness jeħtieġ li jiġi adattat. Il-fatturi ta’ konverżjoni għandhom jiġu bbażati fuq l-esperjenza miksuba bil-kejl u l-ispeċifiċitajiet tal-karatteristiċi. Il-fatturi ta’ ponderazzjoni għandhom jikkonsistu minn tliet valuri differenti, li jirrikonoxxu d-differenzi f’termini ta’ importanza għall-bijodiversità. Għalhekk, l-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi emendat kif xieraq. Għall-fini tal-kalkolu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, il-fatturi ta’ konverżjoni u ponderazzjoni għandhom japplikaw ukoll għal fatturi konvertiti bi prattiki ekwivalenti dment li dawn ikunu l-istess bħall-karatteristiċi elenkati f’dak l-Anness.

(78)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, ir-Regolamenti (KE) Nru 1120/2009 u 1121/2009 għandhom jitħassru.

(79)

Dan ir-Regolament għandu japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ta’ għajnuna relatati mas-snin kalendarji sussegwenti s-sena kalendarja 2014,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

TAQSIMA 1

Kamp ta’ applikazzjoni u prinċipji ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’:

(a)

id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-pagamenti diretti;

(b)

l-iskema ta’ pagament bażiku;

(c)

l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja;

(d)

il-pagament lill-bdiewa li jsegwu prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent;

(e)

il-pagament lill-bdiewa żgħażagħ li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom;

(f)

l-appoġġ akkoppjat volontarju;

(g)

il-pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ tal-qoton;

(h)

l-obbligi ta’ notifika tal-Istati Membri.

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dan ir-Regolament f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżguraw it-trattament ugwali tal-bdiewa u sabiex jevitaw distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, filwaqt li jippromwovu ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni dwar il-klima.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet kollha għall-appoġġ implimentati skont dan ir-Regolament ikunu verifikabbli u kontrollabbli.

3.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dan ir-Regolament:

(a)

fir-rigward tal-appoġġ, minbarra l-appoġġ akkoppjat, li jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 5 u 6 tal-Anness 2 għall-Ftehim dwar l-Agrikoltura; u

(b)

fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat, li jirrispetta r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(5) tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura.

Artikolu 3

Tnaqqis minħabba d-dixxiplina finanzjarja

It-tnaqqis minħabba d-dixxiplina finanzjarja pprovdut fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi applikat għat-total tal-pagamenti mill-iskemi differenti ta’ appoġġ dirett elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li kull bidwi għandu dritt għalihom wara l-applikazzjoni tal-irtirar u l-penali amministrattivi relatati mal-pagamenti diretti skont il-Kapitolu IV tat-Titolu II tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 u qabel l-applikazzjoni tal-penali amministrattivi fir-rigward tal-kundizzjonalità skont il-Kapitolu II tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Delega.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet relatati ma’ definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Artikolu 4

Qafas għall-kriterji dwar iż-żamma taż-żona agrikola fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-punt (ii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-kriterji li l-bdiewa għandhom jissodisfaw sabiex itemmu l-obbligu li jżommu ż-żona agrikola fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni mingħajr azzjoni preparatorja li tmur lil hinn mill-metodi u l-makkinarji agrikoli tas-soltu, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri b’wieħed miż-żewġ modi li ġejjin jew bit-tnejn li huma:

(a)

L-Istati Membri jeħtieġu li bidwi jwettaq mill-anqas attività annwali waħda. Meta jkunu ġġustifikati minħabba raġunijiet ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu wkoll attivitajiet li jitwettqu biss darba kull sentejn;

(b)

L-Istati Membri jistabbilixxu l-karatteristiċi li għandhom jiġu ssodisfati minn żona agrikola sabiex tkun tista’ titqies li hija miżmuma fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni.

2.   Meta jistabbilixxu l-kriterji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jiddistingwu bejn tipi ta’ żoni agrikoli differenti.

Artikolu 5

Qafas għall-attivitajiet minimi f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni

Għall-finijiet tal-punt (iii) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-attività minima li trid tiġi stabbilita mill-Istati Membri li għandha titwettaq f’żoni agrikoli miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni għandha tkun mill-anqas attività annwali waħda mwettqa minn bidwi. Fejn ikun ġustifikat minħabba raġunijiet ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirrikonoxxu wkoll attivitajiet li jitwettqu biss darba kull sentejn.

Artikolu 6

Predominanza ta’ ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor f’każ ta’ bur permanenti

Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor għandhom jitqiesu li jibqgħu predominanti meta jkopru aktar minn 50 % taż-żona eliġibbli fil-livell tal-ħabel art skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Artikolu 7

Prattiki lokali stabbiliti fil-każ ta’ bur permanenti

Għall-finijiet tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-prattiki lokali stabbiliti għandhom ikunu kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin jew taħlita tagħhom:

(a)

prattiki għal ragħa tal-bhejjem li għandhom natura tradizzjonali u li jiġu applikati b’mod komuni fiż-żoni kkonċernati;

(b)

prattiki li huma importanti għall-konservazzjoni tal-ħabitats elenkati fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (17) u tal-bijotopi u l-ħabitats koperti bid-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

Artikolu 8

Koeffiċjent ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Huma u japplikaw l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal bwar permanenti li jistgħu jintużaw għar-ragħa u li jiffurmaw parti mill-prattiki lokali stabbiliti fejn il-ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor, tradizzjonalment mhumiex predominanti f’żoni tar-ragħa, l-Istati Membri jistgħu jiddistingwu bejn kategoriji differenti ta’ żoni sabiex japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis differenti għal kategoriji bħal dawn.

Artikolu 9

Produzzjoni tal-qanneb

Għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-eliġibbiltà ta’ żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandha tkun soġġetta għall-użu ta’ żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-“Katalgu Komuni ta’ Varjetajiet ta’ Speċi ta’ Pjanti Agrikoli” fil-15 ta’ Marzu tas-sena li għaliha qiegħed jingħata l-pagament u ppubblikat f’konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE (19). Iż-żerriegħa għandha tkun ċertifikata f’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE (20).

TAQSIMA 3

Bidwi attiv

Artikolu 10

Każijiet meta ż-żoni agrikoli huma prinċipalment żoni miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, għandhom jitqiesu li għandhom żoni agrikoli li huma prinċipalment żoni miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, fejn tali żoni jirrappreżentaw aktar minn 50 % taż-żona agrikola kollha ddikjarata f’konformità mal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandux japplika għal persuna fiżika jew ġuridika, jew għal grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu, f’żoni miżmuma b’mod naturali fi stat tajjeb għar-ragħa jew għall-kultivazzjoni, attività agrikola skont it-tifsira tal-punt (i) tal-Artikolu 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 11

Rikavati miksuba minn attivitajiet mhux agrikoli

1.   Għall-finijiet tal-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u, fejn xieraq, l-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, ir-rikavati miksuba minn attivitajiet agrikoli għandhom ikunu dawk ir-rikavati li l-bidwi kisibhom mill-attività agrikola tiegħu skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(c) ta’ dak ir-Regolament fl-azjenda tiegħu, inkluż l-appoġġ tal-Unjoni mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), kif ukoll kwalunkwe għajnuna nazzjonali mogħtija għal attivitajiet agrikoli, għajr pagamenti diretti nazzjonali komplementari skont l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Ir-rikavati mill-ipproċessar ta’ prodotti agrikoli tal-azjenda skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jitqiesu bħala rikavati minn attivitajiet agrikoli sakemm il-prodotti pproċessati jibqgħu s-sjieda tal-bidwi u li tali pproċessar jirriżulta fi prodott agrikolu ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Kwalunkwe rikavati oħrajn għandhom jitqiesu li huma rikavati minn attivitajiet mhux agrikoli.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, “rikavati” tfisser ir-rikavati gross qabel it-tnaqqis ta’ spejjeż u taxxi relatati.

3.   L-appoġġ tal-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkolat:

(a)

fil-Bulgarija u fir-Rumanija, għas-sena 2015, abbażi tal-ammont relevanti stipulat fil-punt A tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

fil-Kroazja, għal kull sena msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, abbażi tal-ammont stipulat fil-punt A tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 12

Ammont ta’ pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 9(2) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament

1.   L-ammont annwali tal-pagamenti diretti ta’ bidwi msemmi fil-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u, fejn xieraq, fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun l-ammont totali tal-pagamenti diretti li għalihom kien intitolat il-bidwi skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-iktar sena fiskali riċenti li għaliha hemm disponibbli evidenza dwar ir-rikavati minn attivitajiet mhux agrikoli. Dak l-ammont għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma titqies l-applikazzjoni tal-Artikoli 63 u 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta l-iktar sena fiskali riċenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun l-2014 jew qabel, l-ammont annwali tal-pagamenti diretti għandu jkun l-ammont totali tal-pagamenti diretti li kien intitolat għalihom il-bidwi skont ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 qabel it-tnaqqis u l-esklużjonijiet previsti fl-Artikoli 21 u 23 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Meta bidwi ma jkunx issottometta applikazzjoni għall-għajnuna għal pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fl-iktar sena fiskali riċenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont totali tal-pagamenti diretti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 billi jimmultiplikaw in-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati minn dak il-bidwi fis-sena li fiha ssottometta l-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 bil-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru għas-sena msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Il-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi stabbilit b’diviżjoni tal-livell massimu nazzjonali stipulat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal dik is-sena bin-numru totali ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dak l-Istat Membru għal dik is-sena skont l-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta s-sena msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tkun l-2014 jew qabel, il-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi stabbilit b’diviżjoni tal-livell massimu nazzjonali stipulat fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 ta’ dik is-sena bin-numru totali ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dak l-Istat Membru għal dik is-sena skont l-Artikolu 19(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

3.   L-ammont annwali tal-pagamenti diretti ta’ bidwi msemmi fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jkun l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li għalihom kien intitolat il-bidwi skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 qabel l-applikazzjoni tal-Artikoli 63 u 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għas-sena ta’ qabel.

Meta s-sena msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun l-2014, l-ammont ta’ pagamenti diretti għandu jkun l-ammont totali tal-pagamenti diretti għas-sena 2014 li kien intitolat għalihom il-bidwi skont ir-Regolament (KE) Nru 73/2009 qabel it-tnaqqis u l-esklużjonijiet stipulati fl-Artikoli 21 u 23 ta’ dak ir-Regolament.

4.   Meta bidwi ma jkunx issottometta applikazzjoni għall-għajnuna għal pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena ta’ qabel kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont totali tal-pagamenti diretti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 billi jimmultiplikaw in-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati minn dak il-bidwi fis-sena li fiha ssottometta l-applikazzjoni għall-għajnuna skont l-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 bil-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru għas-sena ta’ qabel.

Il-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi stabbilit b’diviżjoni tal-livell massimu nazzjonali stipulat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal dik is-sena bin-numru totali ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dak l-Istat Membru għal dik is-sena skont l-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta s-sena ta’ qabel imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 tkun l-2014, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ammont annwali tal-pagamenti diretti ta’ dak il-bidwi billi jimmultiplikaw in-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati minn dak il-bidwi għas-sena 2015 f’konformità mal-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 bil-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru għas-sena 2014.

Il-pagament ta’ appoġġ dirett medju nazzjonali għal kull ettaru għas-sena 2014 għandu jiġi stabbilit b’diviżjoni tal-livell massimu nazzjonali tas-sena 2014 stipulat fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 bin-numru totali ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dak l-Istat Membru għas-sena 2014 skont l-Artikolu 19(1)(a) ta’ dak ir-Regolament.

5.   L-ammont totali ta’ pagamenti diretti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandu jiġi kkalkolat:

(a)

fil-Bulgarija u fir-Rumanija, għas-sena 2015, abbażi tal-ammont relevanti stipulat fil-punt A tal-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

fil-Kroazja, għal kull sena msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, abbażi tal-ammont stipulat fil-punt A tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 13

Kriterji sabiex jiġi ppruvat li l-attivitajiet agrikoli mhumiex insinifikanti u li l-miri prinċipali ta’ negozju jew ta’ kumpanija jikkonsistu fl-eżerċitar ta’ attività agrikola

1.   Għall-finijiet tal-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-attivitajiet agrikoli mhumiex insinifikanti jekk ir-rikavati totali miksuba mill-attivitajiet agrikoli skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament matul l-aktar sena fiskali riċenti li għaliha tali evidenza tkun disponibbli jirrappreżentaw mill-inqas terz tar-rikavati totali miksuba fl-iktar sena fiskali riċenti li għaliha tali evidenza tkun disponibbli.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu l-limitu għar-rikavati totali miksuba mill-attivitajiet agrikoli f’livell aktar baxx minn terz dment li dan il-limitu aktar baxx ma jippermettix li persuni fiżiċi jew ġuridiċi b’attivitajiet agrikoli marġinali jitqiesu bħala bdiewa attivi.

B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji alternattivi li jippermettu li entità turi li l-attivitajiet agrikoli tagħha mhumiex insinifikanti skont il-punt (b) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-attivitajiet agrikoli jiffurmaw biss parti insinifikanti tal-attivitajiet ekonomiċi ġenerali ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, billi jużaw il-metodi li ġejjin:

(a)

l-ammont annwali tal-pagamenti diretti jkun inqas minn 5 % tar-rikavati totali miksuba minn attivitajiet mhux agrikoli skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament matul l-aktar sena fiskali riċenti li għaliha tali evidenza tkun disponibbli;

(b)

l-ammont totali ta’ rikavati miksuba minn attivitajiet agrikoli skont it-tifsira tal-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament fl-aktar sena fiskali riċenti li għalihom tkun disponibbli tali evidenza huwa aktar baxx minn limitu li għandu jkun deċiż mill-Istati Membri u li ma għandux jaqbeż terz tal-ammont totali ta’ rikavati miksuba fl-aktar sena fiskali riċenti li għalihom hija disponibbli tali evidenza.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji alternattivi li permezz tagħhom l-attivitajiet agrikoli għandhom jitqiesu insinifikanti skont il-punt (a) tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   Għall-finijiet tal-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u, fejn xieraq, il-punt (b) tal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, attività agrikola għandha titqies li tkun il-mira prinċipali ta’ negozju jew ta’ kumpanija ta’ persuna ġuridika jekk tkun elenkata bħala mira prinċipali ta’ negozju jew ta’ kumpanija fir-reġistru uffiċjali tan-negozju jew fi kwalunkwe evidenza uffiċjali ekwivalenti ta’ Stat Membru. Fil-każ ta’ persuna fiżika, għandha tintalab evidenza ekwivalenti.

Fejn tali reġistri ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jużaw evidenza ekwivalenti.

B’deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kriterji alternattivi li permezz tagħhom, attività agrikola għandha titqies bħala n-negozju ewlieni jew il-mira tal-kumpanija ta’ persuna fiżika jew ġuridika skont il-punt (c) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(2) u, fejn xieraq, skont il-punt (b) tal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament.

KAPITOLU 2

SKEMA TA’ PAGAMENT BAŻIKU U SKEDA TA’ PAGAMANT UNIKU SKONT L-ERJA

TAQSIMA 1

Regoli għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku stipulati fit-Taqsimiet 1, 2, 3 u 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Subtaqsima 1

L-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament

Artikolu 14

Każijiet ta’ wirt, bidliet fl-istatus legali jew fid-denominazzjoni u fużjonijiet u qsim

1.   Meta bidwi jkun irċieva l-azjenda, jew parti mill-azjenda, b’wirt attwali jew antiċipat, huwa għandu jkun intitolat li jitlob, f’ismu, l-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati għall-azjenda riċevuta, jew parti minn dik l-azjenda, taħt l-istess kundizzjonijiet tal-bidwi li oriġinarjament kien imexxi l-azjenda.

F’każijiet ta’ wirt revokabbli antiċipat, id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati biss għall-ereditarju tagħhom bħala tali fid-data msemmija fl-Artikolu 24(1) jew 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Bidla ta’ denominazzjoni ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq l-għadd u l-valur ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati.

Bidla fl-istatus legali ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq l-għadd u l-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati jekk il-bidwi li kellu l-kontroll tal-azjenda oriġinali f’termini ta’ ġestjoni, benefiċċji u riskji finanzjarji jamministra wkoll l-azjenda l-ġdida.

3.   Fużjoni jew qasma ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq l-għadd totali u l-valur ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati għall-azjenda(i).

F’każ ta’ qasma, meta Stat Membru japplika l-Artikolu 24(4) jew (5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-numru ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lil kull azjenda li jirriżultaw mill-qasma, għandu jiġi stabbilit billi n-numru ta’ ettari eliġibbli għad-dispożizzjoni tal-azjenda l-ġdida rilevanti jiġi mmultiplikat bit-tnaqqis medju fin-numru ta’ drittijiet li l-azjenda oriġinali kienet tkun soġġetta għalihom skont l-Artikolu 24(4) jew (5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“fużjoni” tfisser il-fużjoni ta’ żewġ bdiewa separati jew aktar skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 f’bidwi wieħed ġdid skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu kontrollat, f’termini ta’ ġestjoni, benefiċċji u riskji finanzjarji, mill-bdiewa li oriġinarjament kienu jmexxu l-azjendi jew waħda minnhom;

(b)

“qasma” tfisser il-qasma ta’ bidwi wieħed skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 f’:

(i)

mill-inqas żewġ bdiewa separati ġodda skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu fejn mill-anqas wieħed minnhom jibqa’ kkontrollat, f’termini ta’ ġestjoni, benefiċċji u riskji finanzjarji, b’mill-inqas wieħed mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li oriġinarjament kienu jmexxu l-azjenda;

(ii)

il-bidwi oriġinali u mill-inqas bidwi separat wieħed ġdid skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu.

Artikolu 15

Stabbiliment ta’ ettari eliġibbli għall-finijiet tal-Artikoli 24(2) u 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Bil-għan li jiġi stabbilit l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati skont l-Artikoli 24(2) u 39(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 f’każijiet fejn l-ebda force majeure u ċirkustanza eċċezzjonali ma tkun magħrufa, dawk l-ettari eliġibbli biss għandhom jitqiesu li huma determinati f’konformità mal-punt (23)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014.

2.   Meta ettaru eliġibbli msemmi fil-paragrafu 1 ikun soġġett għal applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament minn żewġ applikanti jew aktar, id-deċiżjoni lil min għandu jiġi allokat id-dritt għall-pagament għandha tkun ibbażata fuq il-kriterju ta’ min ikollu s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-attivitajiet agrikoli eżerċitati fuq dak l-ettaru u min igawdi mill-benefiċċji u jġorr ir-riskji finanzjarji marbutin ma’ dawn l-attivitajiet.

Artikolu 16

Limitazzjoni skont l-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Kwalunkwe tnaqqis skont l-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandux jaqbeż il-85 % tal-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jikkorrispondu għall-ettari eliġibbli ta’ bwar permanenti li jinsabu f’żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-koeffiċjent tat-tnaqqis stipulat fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, abbażi ta’ limitazzjonijiet naturali msemmija fl-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jagħmlu distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli sabiex japplikaw koeffiċjenti ta’ tnaqqis differenti għal tali kategoriji.

Artikolu 17

Determinazzjoni tal-valur tad-drittijiet għall-pagament skont l-Artikoli 26 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Sabiex jiġu determinati l-pagamenti diretti relevanti jew il-valur tad-drittijiet relatati mas-sena 2014 kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom jitqiesu biss il-pagamenti lil jew il-valur tad-drittijiet ta’ dawk il-bdiewa li huma intitolati li jingħataw pagamenti diretti skont l-Artikoli 9 u 24(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fis-sena 2015.

Bil-għan li jkunu determinati l-pagamenti diretti relevanti relatati mas-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom jitqiesu biss il-pagamenti lil dawk il-bdiewa li huma intitolati li jingħataw pagamenti diretti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

ir-referenza għall-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jikkunsidraw miżura waħda biss jew għadd ta’ miżuri implimentati skont dawk il-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ;

(b)

l-appoġġ mogħti lil xi bidwi għas-sena kalendarja 2014 bħala parti minn skema waħda ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi kkalkulat mingħajr ma jitqies kwalunkwe tnaqqis jew esklużjoni stipulat fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009;

(c)

f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu fuq il-livell ta’ appoġġ li għandu jitqies għal skema waħda jew iktar minn dawk elenkati fl-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 applikati mill-Istat Membru kkonċernat.

Meta jiġi applikat dan il-paragrafu, l-Istati Membri ma għandhomx jipperikolaw il-karattru diżakkoppjat tal-appoġġ mogħti skont l-Artikolu 68(1)(c) u l-Artikoli 126, 127 u 129 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

3.   Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 26(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-appoġġ mogħti għas-sena kalendarja 2014 skont l-Artikoli 72a u 125a tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandu jiġi kkalkolat mingħajr ma jitqies xi tnaqqis jew esklużjoni stipulat fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

4.   Ir-referenza fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal drittijiet għall-pagament miżmuma minn bidwi għandha tinkludi wkoll dawk id-drittijiet għall-pagament li huma mikrija mill-bidwi lil bidwi ieħor fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tiegħu għas-sena 2014.

Artikolu 18

Stabbiliment definittiv tal-valur u l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament

Fejn l-informazzjoni lill-bdiewa msemmija fl-Artikolu 25(10) jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 40(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 hija bbażata fuq dejta provviżorja, il-valur definittiv u l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament għandhom jiġu stabbiliti u kkomunikati lilhom wara li jkunu saru l-kontrolli kollha neċessarji skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u fi kwalunkwe każ sal-1 ta’ April tas-sena ta’ wara l-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku mill-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 19

Stabbiliment tal-valur ta’ drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ każijiet ta’ tbatija

1.   Jekk wieħed jew bosta mill-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 26 jew 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 b’rabta mas-sena 2014 jew mas-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, rispettivament, ikunu aktar baxxi mill-ammonti korrispondenti fis-sena ta’ qabel is-snin affetwati minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, il-valur ta’ unità inizjali għandu jiġi stabbilit abbażi tal-ammonti riċevuti minn dak il-bidwi fis-sena ta’ qabel is-snin affetwati minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali.

2.   l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għal każijiet li fihom il-pagamenti diretti b’rabta mas-sena 2014 jew mas-sena ta’ qabel l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku, rispettivament, huma inqas minn ċertu perċentwal tal-ammonti korrispondenti fis-sena ta’ qabel is-snin affettwati minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan il-perċentwal ma għandux ikun inqas minn 85 %.

Artikolu 20

Klawsola dwar kuntratt privat f’każ ta’ bejgħ

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, f’każ ta’ bejgħ ta’ azjenda jew parti minnha, il-bdiewa jistgħu, permezz ta’ kuntratt iffirmat sa mhux aktar tard mid-data għall-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, li jittrasferixxu flimkien mal-azjenda jew parti minnha d-drittijiet għall-pagament korrispondenti li għandhom jiġu allokati. F’dak il-każ, id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lill-bejjiegħ u trasferiti direttament lix-xerrej li jgawdi, fejn japplika, mit-teħid tal-pagamenti li rċieva l-bejjiegħ għall-2014 jew il-valur tad-drittijiet li kellu fl-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 bħala referenza għall-istabbiliment tal-valur ta’ unità inizjali ta’ dawk id-drittijiet ta’ pagamenti.

Tali trasferiment għandu jeħtieġ li l-bejjiegħ jikkonforma mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li x-xerrej jikkonforma mal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament.

Tali bejgħ ma għandux jitqies bħala trasferiment mingħajr art skont it-tifsira tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-Istati Membri li japplikaw t-Taqsima 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 21

Klawsola dwar kuntratt privat f’każ ta’ kiri

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li, f’każ ta’ kiri ta’ azjenda jew parti minnha, il-bdiewa jistgħu, permezz ta’ kuntratt iffirmat qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 20(1), jikru flimkien mal-azjenda jew parti minnha d-drittijiet għall-pagament korrispondenti li għandhom jiġu allokati. F’dak il-każ, id-drittijiet għall-pagament għandhom jiġu allokati lil-lokatur u mikrija direttament lil-lokatarju li jgawdi, fejn japplika, mit-teħid tal-pagamenti li rċieva l-lokatur għall-2014 jew il-valur tad-drittijiet li kellu fl-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 bħala referenza għall-istabbiliment tal-valur ta’ unità inizjali ta’ dawk id-drittijiet ta’ pagamenti.

Tali trasferiment għandu jeħtieġ li l-lokatur ikun konformi mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li l-lokatarju jikkonforma mal-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament u li l-kuntratt tal-kera jiskadi wara l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-iskema ta’ pagament bażiku.

Tali kirja ma għandhiex titqies bħala trasferiment mingħajr art skont it-tifsira tal-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-Istati Membri li japplikaw t-Taqsima 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 22

Benefiċjarji skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Għall-finijiet tal-ewwel inċiż tal-punt (a)(i) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, “patata tal-ikel” u “patata taż-żriegħ” għandhom ifissru patata tal-kodiċi NM 0701 għajr għal dawk maħsuba għall-manifattura tal-lamtu tal-patata.

Subtaqsima 2

Attivazzjoni u trasferiment ta’ drittijiet

Artikolu 23

Kalkolu tal-valur ta’ unità ta’ drittijiet għall-pagament

1.   Id-drittijiet għall-pagament għandhom, fl-ewwel stadju, jiġu kkalkulati sa tliet deċimali u, fit-tieni stadju, jitqarrbu ‘l fuq jew ‘l isfel lejn it- tieni deċimali. Jekk il-kalkolu jagħti riżultat fejn it-tielet deċimali jkun 5, is-somma għandha tiġi mqarrba ‘l fuq għat-tieni deċimali.

2.   Jekk bidwi jittrasferixxi frazzjoni ta’ dritt, il-valur ta’ dik il-frazzjoni għandu jiġi kkalkulat proporzjonalment għal kull sena relevanti li jkun baqa’ kif imsemmi fl-Artikolu 25 jew 40 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   L-Istati Membri jistgħu jimmodifikaw drittijiet għall-pagament permezz ta’ fużjoni tal-frazzjonijiet ta’ drittijiet li huma s-sjieda tal-bidwi. Il-valur ta’ drittijiet fużi għandu jiġi determinat għal kull sena relevanti li jkun baqa’ kif imsemmi fl-Artikoli 25 jew 40 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 billi żżid il-valur tal-frazzjonijiet.

Artikolu 24

Rekwiżiti għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament

1.   Id-drittijiet għall-pagament jistgħu jiġu ddikjarati għall-pagament darba fis-sena mill-bidwi li jkollu pussess tagħhom (sjieda jew kirja) mhux aktar tard mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni unika.

Madankollu, fejn bidwi juża l-possibbiltà li jemenda l-applikazzjoni unika f’konformità mar-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jista’ jiddikjara wkoll għall-pagament dawk id-drittijiet għall-pagament li jkollu pussess tagħhom (sjieda jew kirja) fid-data tan-notifika tiegħu dwar l-emendi lill-awtorità kompetenti, sakemm id-drittijiet għall-pagament inkwistjoni ma jkunux dikjarati għall-pagament minn bidwi ieħor għall-istess sena.

Meta l-bidwi jikseb drittijiet għall-pagament permezz ta’ trasferiment mingħand bidwi ieħor u meta dak il-bidwi l-ieħor kien diġà ddikjara dawk id-drittijiet għall-pagament, id-dikjarazzjoni addizzjonali ta’ dawk id-drittijiet għall-pagament mid-destinatarju tat-trasferiment għandha tkun ammissibbli biss jekk minn jittrasferixxi jkun diġà għarraf lill-awtorità kompetenti bit-trasferiment f’konformità mar-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 34(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u jreġġa’ lura dawk id-drittijiet għall-pagament mill-applikazzjoni unika tiegħu stess, fil-limiti ta’ żmien għall-emendar tal-applikazzjoni unika ffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Meta bidwi, wara li jkun iddikjara l-ħbula art li jikkorrispondu għad-drittijiet għall-pagament disponibbli tiegħu kollha skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li huma espressi bħala numri sħaħ, xorta jiddisponi minn ħabel art li jammonta għal frazzjoni ta’ ettaru, jista’ jiddikjara dritt ieħor għall-pagament f’numru sħiħ li għandu jagħtih id-dritt għal pagament kkalkulat pro rata skont id-daqs tal-ħabel art. Id-dritt għall-pagament għandu jitqies bħala attivat b’mod sħiħ għall-finijiet tal-Artikolu 31(1)(b) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 25

Trasferiment ta’ drittijiet

1.   Id-drittijiet għall-pagament jistgħu jiġu trasferiti f’kull żmien tas-sena.

2.   Meta Stat Membru juża l-għażla stipulata fl-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jiddefinixxi r-reġjuni msemmija f’dik id-dispożizzjoni fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u mhux aktar tard minn xahar qabel id-data ffissata mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 33(1) ta’ dak ir-Regolament.

Subtaqsima 3

Riżervi nazzjonali jew reġjonali

Artikolu 26

Retromutazzjoni għar-riżerva nazzjonali jew reġjonali bħala riżultat ta’ żamma fuq trasferiment ta’ drittijiet għall-pagament

Meta Stat Membru juża l-għażla stipulata fl-Artikolu 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jista’ jagħżel, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżgura t-trattament ugwali bejn il-bdiewa u li tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni, li jreġġa’ lura lejn ir-riżerva nazzjonali jew reġjonali sa 30 % tal-valuri ta’ unità annwali ta’ kull dritt għall-pagament trasferit mingħajr l-ettari korrispondenti eliġibbli, skont it-tifsira tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jew l-ammont ekwivalenti espress fl-għadd ta’ drittijiet għall-pagament.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal retromutazzjoni sa 50 % tal-valur tal-unità annwali ta’ kull dritt għall-pagament jew l-ammont ekwivalenti mogħti f’numru ta’ drittijiet għall-pagament kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu matul l-ewwel tliet snin tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku.

Artikolu 27

Applikazzjoni tal-klawsola dwar profitt mhux mistenni

Għall-finijiet tal-Artikoli 28 u 40(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament imsemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu determinati billi jitqabbel il-valur tad-drittijiet għall-pagament tal-bidwi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 25(4) u l-Artikolu 26 jew l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, rispettivament, wara l-bejgħ jew il-kiri msemmi fl-Artikolu 28 jew 40(5) ta’ dak ir-Regolament, rispettivament, bil-valur tad-drittijiet għall-pagament tal-bidwi li jirriżulta mingħajr il-bejgħ jew il-kiri.

Artikolu 28

Stabbiliment tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, meta bidwi żagħżugħ jew bidwi li jibda l-attività agrikola tiegħu japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali filwaqt li ma jkollu fil-pussess tiegħu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja), għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jkunu daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) fl-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu għall-allokazzjoni jew żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament iffissati mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Meta bidwi żagħżugħ jew bidwi li jibdabl-attività agrikola tiegħu japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali filwaqt li diġà jkollu fil-pussess tiegħu drittijiet għall-pagament (bi sjieda jew kirja), għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament li jkunu daqs l-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkollu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) fl-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu msemmija fil-paragrafu 1 li għaliha ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja).

Meta l-valur tad-drittijiet li l-bidwi diġà jkollu (sjieda jew kirja) huwa taħt il-medja nazzjonali jew reġjonali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-valuri ta’ unità annwali ta’ dawk id-drittijiet jistgħu jiżdiedu sal-medja nazzjonali jew reġjonali kif stipulat fl-Artikolu 30(10) ta’ dak ir-Regolament.

Madankollu, fl-Istati Membri li japplikaw iż-żieda msemmija fl-Artikolu 30(10) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-finijiet tal-Artikolu 30(7) ta’ dak ir-Regolament, iż-żieda msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun obbligatorja f’dak l-Istat Membru. Tali żieda għandha tkun f’livell li jikkorrispondi għall-ogħla livell ta’ żieda applikata għall-finijiet tal-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   Fl-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 24(6) jew (7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-limitazzjonijiet tal-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu applikati mutatis mutandis għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 30(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li meta l-applikazzjoni ta’ limitazzjoni waħda jew għadd ta’ limitazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tillimita l-għadd totali ta’ drittijiet għall-pagament li diġà huma fil-pussess tal-bidwi u li għadhom kemm jiġu allokati mir-riżerva għal inqas minn perċentwal fiss tal-ettari eliġibbli tiegħu fis-sena li fiha japplika għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva, dak il-bidwi għandu jingħata numru addizzjonali ta’ drittijiet għall-pagament li jikkorrispondu għal sehem fl-għadd totali tal-ettari eliġibbli tiegħu ddikjarati fl-applikazzjoni tiegħu għal dik is-sena skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Dan il-perċentwal fiss imsemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkalkolat skont il-metodu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(2) ta’ dan ir-Regolament.

Is-sehem tal-għadd totali ta’ ettari eliġibbli tal-bidwi msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi kkalkolat bħala nofs id-differenza fil-punti perċentwali bejn il-perċentwal fiss imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u s-sehem ta’ drittijiet għall-pagament fil-pussess tal-bidwi fl-ettari eliġibbli tiegħu ddikjarati skont l-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fl-applikazzjoni tiegħu għas-sena msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Għall-finijiet ta’ dan is-subparagrafu, “id-drittijiet għall-pagament tal-bidwi” tfisser id-drittijiet għall-pagament li l-bidwi diġà għandu u li għandhom jiġu allokati mill-ġdid mir-riżerva.

Meta jikkalkulaw l-għadd ta’ ettari eliġibbli msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jinkludu l-ebda erja okkupata minn għelejjel permanenti, minn bwar permanenti li jkunu jinsabu f’żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli kif imsemmi fl-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew minn żoni rikonoxxuti bħala bwar permanenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

L-Istati Membri li jużaw il-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku fil-livell reġjonali jistgħu jibbażaw il-metodu ta’ kalkolu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fuq l-għadd totali allokat/iddikjarat fl-2015 fir-reġjun relevanti.

Bil-għan li jkun determinat il-livell limitu fit-tieni subparagrafu, l-art miksuba jew mikrija mill-bidwi wara d-19 ta’ Ottubru 2011 ma għandhiex titqies.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, għandhom jitqiesu biss dawk il-bdiewa li għadhom jibdew l-attività agrikola tagħhom u li bdew l-attività agrikola tagħhom fis-sena kalendarja 2013 jew kwalunkwe sena aktar tard u li jressqu applikazzjoni għall-pagament bażiku mhux aktar tard minn sentejn wara s-sena kalendarja li fiha bdew l-attività agrikola tagħhom.

Artikolu 29

Stabbiliment tad-drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali skont l-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, meta drittijiet għall-pagament ġodda jiġu allokati kif stipulat fl-Artikolu 30(10) ta’ dak ir-Regolament, dawn għandhom ikunu allokati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu u skont il-kriterji oġġettivi stabbiliti mill-Istat Membru inkwistjoni.

2.   Meta bidwi li ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja) ikun intitolat, skont l-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jirċievi drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali u japplika għaliha, għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament sal-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkunu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) sal-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 28(1).

3.   Meta bidwi li jkollu drittijiet għall-pagament (bi sjieda jew kirja) ikun intitolat, skont l-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, li jirċievi drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali u japplika għaliha, għandu jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-pagament sal-għadd ta’ ettari eliġibbli li jkunu fil-pussess tiegħu (bi sjieda jew kirja) sal-aħħar data għall-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) li għaliha ma jkollu l-ebda dritt għall-pagament (bi sjieda jew kirja).

Meta l-valur tad-drittijiet li l-bidwi diġà jkollu (sjieda jew kirja) huwa taħt il-medja nazzjonali jew reġjonali msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-valuri ta’ unità annwali ta’ dawk id-drittijiet jistgħu jiżdiedu sal-medja nazzjonali jew reġjonali kif stipulat fl-Artikolu 30(10) ta’ dak ir-Regolament.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx jistabbilixxu kriterji b’rabta mal-produzzjoni jew dejta oħra speċifika għas-settur għal perjodu wara d-data ffissata mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għas-sena ta’ pretensjoni 2013.

Artikolu 30

Regoli oħra dwar l-istabbiliment ta’ drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali

1.   Meta jiżdiedu l-valuri ta’ unità annwali ta’ drittijiet għall-pagament kif imsemmi fl-Artikolu 30(10) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom iżidu l-valur tal-unità tad-drittijiet li l-bidwi diġà jkollu (sjieda jew kirja) fid-data tal-applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali f’konformità mal-kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżguraw it-trattament ugwali bejn il-bdiewa u li tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq u tal-kompetizzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri ma għandhomx jistabbilixxu kriterji b’rabta mal-produzzjoni jew dejta oħra speċifika għas-settur għal perjodu wara d-data ffissata mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għas-sena ta’ pretensjoni 2013.

Artikolu 31

Każijiet ta’ tbatija

1.   Meta bidwi, bħala riżultat ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, twaqqaf milli jagħmel applikazzjoni għal allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament f’konformità mal-Artikolu 24(1) jew 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali, għandu jiġi allokat drittijiet għall-pagament f’konformità mal-Artikolu 30(7)(c) ta’ dak ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta’ unità annwali tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati f’konformità mal-Artikolu 25 jew 40 rispettivament tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u d-deċiżjonijiet meħuda mill-Istat Membru dwar l-alternattivi f’dawk l-Artikoli.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li meta l-applikazzjoni ta’ limitazzjoni waħda jew għadd ta’ limitazzjonijiet tal-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament stabbiliti fl-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tillimita l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament allokati lil bidwi għal inqas minn perċentwal fiss tal-ettari eliġibbli tiegħu, u fejn il-bidwi japplika għal drittijiet għall-pagament mir-riżerva nazzjonali jew reġjonali li bidwi għandu jitqies li jkun f’sitwazzjoni ta’ “żvantaġġ speċifiku” skont l-Artikolu 30(7)(b) ta’ dak ir-Regolament. F’dak il-każ, dak il-bidwi għandu jiġi allokat għadd ta’ drittijiet għall-pagament f’konformità mal-Artikolu 30(7)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jikkorrispondu għal sehem fl-għadd totali ta’ ettari eliġibbli dikjarati fl-applikazzjoni tiegħu għall-2015 f’konformità mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

Il-perċentwal fiss imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat bħala l-għadd totali ta’ drittijiet għall-pagament allokati fl-Istat Membru fl-2015 wara l-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 24(3) sa (7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 diviż bl-għadd totali ta’ ettari eliġibbli ddikjarati fl-Istat Membru fl-2015 f’konformità mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1306/2013.

Is-sehem tal-għadd totali ta’ ettari eliġibbli tal-bidwi msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi kkalkulat bħala nofs id-differenza f’punti perċentwali bejn il-perċentwal fiss imsemmi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi u s-sehem ta’ drittijiet għall-pagament fil-pussess tal-bidwi fl-ettari eliġibbli tiegħu ddikjarati fl-2015 skont l-Artikolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta jikkalkulaw l-għadd ta’ ettari eliġibbli msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jinkludu ebda erja okkupata minn għelejjel permanenti, minn bwar permanenti li jkunu jinsabu f’żoni b’kundizzjonijiet klimatiċi diffiċli kif imsemmi fl-Artikolu 24(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew minn żoni rikonoxxuti bħala bwar permanenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ dak ir-Regolament.

L-Istati Membri li jużaw il-possibbiltà pprovduta fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku fil-livell reġjonali jistgħu jibbażaw il-metodu ta’ kalkolu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fuq l-għadd totali allokat/iddikjarat fl-2015 fir-reġjun relevanti.

Bil-għan li jkun determinat il-livell limitu fl-ewwel subparagrafu, l-art miksuba jew mikrija mill-bidwi wara d-19 ta’ Ottubru 2011 ma għandhiex titqies.

Subtaqsima 4

Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Artikolu 32

Implimentazzjoni fl-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Sakemm ma jintqalx b’mod ieħor f’din is-Subtaqsima, id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 33

Applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Bil-għan li jiġi stabbilit liema drittijiet għall-pagament għandhom jiskadu f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandha tingħata prijorità lil dawk id-drittijiet għall-pagament li għandhom l-inqas valur.

Fejn id-drittijiet għall-pagament għandhom l-istess valur, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament li huma sjieda u l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament mikrija għandhom jitnaqqsu bl-istess proporzjon.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw l-ewwel u t-tieni paragrafi fil-livell reġjonali.

Artikolu 34

Determinazzjoni tal-valur ta’ drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 21(3) ta’ dak ir-Regolament

Bil-għan li jiġi determinat il-valur inizjali tal-valur tal-unità tad-drittijiet għall-pagament, l-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistgħu jaġġustaw l-ammont ta’ pagamenti għall-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 26(5) ta’ dak ir-Regolament billi jnaqqsu, qabel it-tnaqqis u l-esklużjonijiet, l-ammont li jirriżulta minn drittijiet għall-pagament li jkunu skadew skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 2

Skema ta’ pagament uniku skont l-erja

Artikolu 35

Ettari eliġibbli fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja

Għall-finijiet tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja stipulata fit-Taqsima 4 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, inkluża kwalunkwe referenza fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal ettari eliġibbli ddikjarati għall-finijiet ta’ dik l-iskema, dawk l-ettari eliġibbli biss għandhom jiġu meqjusa li huma determinati skont it-tifsira tal-punt (23)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014.

Artikolu 36

Applikazzjoni tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Bil-għan li jiġi divrenzjat il-pagament uniku skont l-erja kif stipulat fl-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

ir-referenza għall-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ stipulati fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 68(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jikkunsidraw miżura waħda biss jew għadd ta’ miżuri implimentati skont dawk il-miżuri speċifiċi ta’ appoġġ;

(b)

l-Istati Membri jistgħu, f’konformità ma’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji, jiddeċiedi dwar il-livell ta’ appoġġ biex jiġu kkunsidrati għal wieħed jew aktar mill-iskemi applikati mill-Istat Membru inkwistjoni f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) ta’ dak ir-Regolament u, fejn xieraq, mat-tielet subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni. Madankollu, meta tiġi kkunsidrata l-għajnuna mogħtija taħt l-iskema relevanti fl-2014, l-ammont użat sabiex jiddivrenzjaw il-pagament uniku skont l-erja ma jistax ikun ogħla mill-ammont korrispondenti mogħti lil bidwi individwali taħt tali skema fl-2014;

(c)

meta jitqies l-appoġġ mogħti f’konformità mal-Artikolu 68(1)(c) u l-Artikoli 126, 127 u 129 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, tali divrenzjar ma għandux jipperikola l-karattru diżakkoppjat ta’ dawk l-iskemi.

Din id-divrenzjar għandu jkun disponibbli għall-bdiewa li rċevew fl-2014 l-għajnuna msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. L-ammont għal kull ettaru għandu jiġi stabbilit kull sena billi jiġi diviż l-ammont li jiddivrenzja l-pagament uniku skont l-erja disponibbli għal bidwi individwali bin-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarat mill-bidwi skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Jekk l-ammont ta’ appoġġ skont skema waħda jew għadd ta’ skemi ta’ appoġġ imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 b’rabta mal-2014 huwa inqas mill-ammont jew ammonti korrispondenti fis-sena ta’ qabel is-snin affetwati minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istat Membru għandu jqis l-appoġġ mogħti bħala parti mill-iskemi ta’ appoġġ ikkonċernati fis-sena ta’ qabel is-snin affetwati minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu għal każijiet fejn il-pagamenti diretti relatati mal-2014 ikunu aktar baxxi minn ċertu perċentwal tal-ammonti korrispondenti fis-sena ta’ qabel is-snin milquta minn force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali. Dan il-perċentwal ma għandux ikun inqas minn 85 %.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li f’każ ta’ wirt attwali jew antiċipat, id-divrenzjar tal-pagament uniku skont l-erja għandu jkun disponibbli għall-bidwi li jkun wiret l-azjenda, dment li dan il-bidwi jkun eliġibbli taħt l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja.

Artikolu 37

Produzzjoni tal-qanneb skont l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja

L-Artikolu 9 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tal-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja.

KAPITOLU 3

APPROĊĊ EKOLOĠIKU

TAQSIMA 1

Ekwivalenza

Artikolu 38

Rekwiżiti applikabbli għall-iskemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali jew reġjonali

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw il-prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jaħtru awtorità ta’ ċertifikazzjoni pubblika jew privata waħda jew aktar li tiċċertifika li l-bidwi jirrispetta l-prattiki fl-azjenda tiegħu li jikkonformaw mal-Artikolu 43(3) ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet pubbliċi jew privati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jkollhom l-għarfien, it-tagħmir u l-infrastruttura meħtieġa biex iwettqu l-kompiti ta’ ċertifikazzjoni;

(b)

għandu jkollhom biżżejjed staff kwalifikat u esperjenzat;

(c)

għandhom ikunu imparzjali u ħielsa minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti ta’ ċertifikazzjoni.

L-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni privati għandhom ikunu akkreditati bl-EN ISO/IEC 17021 (Rekwiżiti għal korpi li jipprovdu l-awditjar u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni) jew bl-EN ISO/IEC 17065 (Valutazzjoni tal-konformità – Rekwiżiti għall-korpi li jiċċertifikaw il-prodotti, il-proċessi u s-servizzi) fis-settur tal-produzzjoni agrikola. L-akkreditazzjoni għandha titwettaq biss minn korp nazzjonali ta’ akkreditazzjoni fi Stat Membru skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21).

3.   Il-ħatra ta’ awtorità ta’ ċertifikazzjoni pubblika jew privata għandha tiġi revokata, meta din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-ħatra tagħha stipulati fil-paragrafu 2.

Artikolu 39

Kalkolu tal-ammont imsemmi fl-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013

1.   Għall-bdiewa li jiddeċiedu li josservaw il-prattiki msemmija fil-punti 3 u 4 tat-Taqsima I u l-punt 7 tat-Taqsima III tal-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u kwalunkwe prattika ekwivalenti oħra miżjuda ma’ dak l-Anness li għaliha jkun meħtieġ kalkolu speċifiku sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju, bħala prattiki ekwivalenti skont l-Artikolu 43(3)(a) ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom inaqqsu mill-ammont ta’ appoġġ għal kull ettaru kkalkolat skont l-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ammont li jikkorrispondi għal terz tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku medju għal kull ettaru fl-Istat Membru jew reġjun ikkonċernat għal kull prattika ekoloġika li l-prattika tkun ekwivalenti għaliha.

Il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku medju għal kull ettaru fl-Istat Membru jew ir-reġjun ikkonċernat għandu jiġi ikkalkolat abbażi tal-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-medja tal-limiti massimi nazzjonali għas-snin mill-2015 sal-2019 stipulati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament u n-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati skont l-Artikolu 33 jew l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fl-2015. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw il-prattiki msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu diġà mill-2015, jistgħu jagħtu stima tal-għadd ta’ ettari eliġibbli ddikjarati fl-2015 fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet li jkunu saru fl-2014 skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 43(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistgħu jiddeċiedu li japplikaw it-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fuq bażi individwali b’ammont li jikkorrispondi għal terz tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku medju għal kull ettaru tal-bidwi kkonċernat.

Il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku medju għall-bidwi għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-medja tal-pagament individwali kkalkolat skont it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 43(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-snin bejn l-2015 u l-2019 u l-għadd ta’ ettari eliġibbli ddikjarati mill-bidwi skont l-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament fl-2015.

TAQSIMA 2

Diversifikazzjoni tal-għelejjel

Artikolu 40

Kalkolu tal-ishma ta’ għelejjel differenti għad-diversifikazzjoni ta’ għelejjel

1.   Għall-fini tal-kalkolu tal-ishma ta’ għelejjel differenti kif inhu stipulat fl-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jitqies il-perjodu li huwa l-iktar parti relevanti tal-perjodu ta’ kultivazzjoni u se jitqiesu l-prattiki tradizzjonali ta’ kultivazzjoni fil-kuntest nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-bdiewa ta’ dak il-perjodu fi żmien stipulat. Fil-firxa totali tal-art li tinħarat ta’ kull azjenda, kull ettaru għandu jitqies darba waħda biss f’sena waħda ta’ pretensjoni għall-fini tal-kalkolu tal-ishma ta’ għelejjel differenti.

2.   Għall-kalkolu tal-ishma ta’ għelejjel differenti, iż-żona koperta minn għalla tista’ tinkludi fatturi ta’ pajsaġġ li jiffurmaw parti miż-żona eliġibbli skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014.

3.   Fuq erja fejn jinżergħu għelejjel mħallta billi jitkabbru fl-istess waqt żewġ għelejjel jew aktar f’ringieli distinti, kull għalla għandha tingħadd bħala għalla distinta meta tkun tkopri mill-inqas 25 % ta’ dik l-erja. Iż-żona koperta mill-għelejjel differenti għandha tiġi kkalkolata b’diviżjoni taż-żona fejn jiġi applikat żrigħ imħallat bin-numru ta’ għelejjel li jgħattu tal-inqas 25 % ta’ dik iż-żona, ikun xi jkun is-sehem propju ta’ għalla f’dik iż-żona.

Rigward iż-żoni fejn jiġi applikat iż-żrigħ imħallat permezz tat-tkabbir ta’ għalla ewlieni li tinżera’ ma’ għalla oħra, iż-żona tiġi kkunsidrata bħala mgħottija biss mill-għalla ewlenija.

Żoni li fihom tinżera’ taħlita ta’ żrieragħ, indipendentament mill-għelejjel speċifiċi inklużi fit-taħlita, għandha titqies li hija koperta b’għalla waħda biss. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44(4)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, din l-għalla waħidha għandha tissejjaħ “għalla mħallta”. Fejn jista’ jkun stabbilit li l-ispeċijiet inklużi f’taħlitiet differenti ta’ żrieragħ huma differenti minn xulxin, l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu dawk it-taħlitiet ta’ żrieragħ differenti bħala għelejjel singoli distinti, sakemm dawk it-taħlitiet differenti ta’ żrieragħ ma jintużaw għall-għalla msemmija fl-Artikolu 44(4)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 3

Bwar permanenti

Artikolu 41

Qafas għad-deżinjazzjoni ta’ żoni oħra ta’ bwar permanenti sensittivi għall-ambjent barra ż-żoni ta’ Natura 2000

Żoni ta’ bwar permanenti ambjentalment sensittivi barra miż-żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE jew mid-Direttiva 2009/147/KE kif imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jingħażlu abbażi ta’ kriterju wieħed jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

li jkopru ħamrija organika b’perċentwal għoli ta’ karbonju organiku, bħal mhuma t-torbiera jew l-artijiet mistagħdra;

(b)

li jħaddnu ħabitati elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 92/43/KEE jew li huma protetti taħt leġiżlazzjoni nazzjonali;

(c)

li jħaddnu speċi ta’ pjanti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 92/43/KEE jew li huma protetti taħt leġiżlazzjoni nazzjonali;

(d)

li huma ta’ importanza sinifikanti għal speċi ta’ għasafar selvaġġi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE;

(e)

li huma ta’ importanza sinifikanti għal speċi ta’ annimali selvaġġi protetti taħt id-Direttiva 92/43/KEE jew li huma protetti taħt leġiżlazzjoni nazzjonali;

(f)

li jkopru bur permanenti ta’ valur naturalistiku għoli kif inhu ddefinit mill-kriterji oġġettivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru;

(g)

li jkopru ħamrija b’riskju għoli ta’ erożjoni.

(h)

li jkunu jinsabu f’żona sensittiva nominata fil-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċir idrografiku skont id-Direttiva 2000/60/KE.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li kull sena jżidu żoni magħżula ġodda u għandhom jinfurmaw lill-bdiewa kkonċernati dwar dik id-deċiżjoni fi żmien stipulat.

Artikolu 42

Konverżjoni mill-ġdid f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu dwar żoni ta’ bwar permanenti sensittivi għall-ambjent

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22), fejn bidwi kkonverta jew għażaq bur permanenti li jkun soġġett għall-obbligu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi għall-obbligu li jikkonverti ż-żona mill-ġdid f’bur permanenti u, abbażi ta’ każ b’każ, jista’ jagħti istruzzjonijiet preċiżi li l-bidwi kkonċernat għandu jirrispetta dwar kif wieħed għandu jsewwi l-ħsara ambjentali li saret sabiex jerġa’ jistabbilixxi l-istatus ambjentalment sensittiv.

Wara li tiġi stabbilita n-nonkonformità, il-bidwi għandu jiġi informat mingħajr dewmien dwar l-obbligu li jikkonverti mill-ġdid u dwar id-data li qabilha għandu jikkonforma ma’ dan l-obbligu. Dik id-data ma għandhiex tkun iktar tard mid-data għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika għas-sena ta’ wara, jew fil-każ tal-Isvezja u l-Finlandja, it-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

B’deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-art konvertita mill-ġdid għandha tiġi kkunsidrata bħala bur permanenti mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid tagħha u għandha tkun soġġetta għall-obbligu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 43

Kalkolu tal-proporzjon ta’ bur permanenti

1.   Żoni ddikjarati minn bdiewa li qed jipparteċipaw fl-iskema tal-bdiewa żgħar imsemmija fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, kif ukoll l-unitajiet ta’ azjenda użati għall-produzzjoni organika skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (23) bla ma jkun inkluż fil-proporzjon taż-żoni ta’ bwar permanenti għaż-żona agrikola totali u l-proporzjon ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Iż-żoni ddikjarati minn bdiewa fl-2012 bħala art għar-ragħa permanenti li ġiet ikkonvertita f’art għal użi oħra jistgħu jitnaqqsu mill-kalkolu taż-żoni ta’ bwar permanenti skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, san-numru ta’ ettari ta’ ragħa permanenti jew bur permanenti li l-bdiewa stabbilixxew wara l-2012 u ddikjaraw fl-2015 fuq livell nazzjonali, reġjonali, sottoreġjonali jew tal-azjenda, dment li ġew issodisfati r-regoli eżistenti dwar il-manutenzjoni ta’ ragħa permanenti kif stipulat fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u fl-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Meta jiġi kkalkulat in-numru ta’ ettari ta’ mergħat permanenti jew ta’ bwar permanenti stabbiliti wara l-2012 kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, ettari ta’ mergħat permanenti jew bwar permanenti biss f’żona agrikola ddikjarata fl-2012, fl-2013 jew fl-2014 skont l-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandhom jitqiesu.

3.   L-Istati Membri għandhom jadattaw il-proporzjon ta’ referenza jekk jivvalutaw li hemm impatt sinifikanti fuq l-evoluzzjoni tal-proporzjon dovuta għal, b’mod partikolari, bidla fl-erja ta’ produzzjoni organika jew bidla fil-popolazzjoni ta’ parteċipanti fl-iskema tal-bdiewa ż-żgħar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bla dewmien dwar l-adattament li sar u l-ġustifikazzjoni għal dak l-adattament.

Artikolu 44

Manutenzjoni tal-proporzjon ta’ bur permanenti

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-obbligu individwali tal-bdiewa li ma jikkonvertux erjas ta’ bwar permanenti mingħajr awtorizzazzjoni individwali minn qabel. Il-bdiewa għandhom jiġu mgħarrfa b’dak l-obbligu mingħajr dewmien u fi kwalunkwe każ qabel il-15 ta’ Novembru tas-sena li fiha l-Istat Membru kkonċernat jistabbilixxi hekk. Dak l-obbligu għandu japplika biss għall-bdiewa li huma soġġetti għall-obbligi skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ żoni ta’ bwar permanenti li mhumiex soġġetti għall-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni jista’ jiddependi fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji nondiskriminatorji inkluż kriterji ambjentali. Jekk l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tkun soġġetta għall-kundizzjoni li għandha tiġi stabbilita żona oħra ta’ numru korrispondenti ta’ ettari ta’ bwar permanenti, dik iż-żona, b’deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandha tiġi kkunsidrata bħala bur permanenti mill-ewwel ġurnata ta’ konverżjoni. Żoni bħal dawn għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor għal mill-inqas ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni, jew, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi dan, fejn il-bdiewa jikkonvertu żoni li diġà kienu użati biex jitkabbru ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor f’żoni ta’ bwar permanenti, dawn iż-żoni għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor għan-numru ta’ snin li hemm bżonn sabiex jilħqu l-ħames snin konsekuttivi.

2.   Meta jkun stabbilit li l-proporzjon imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 naqas b’aktar minn 5 % meta mqabbel mal-proporzjon ta’ referenza msemmi f’dak l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi għall-obbligu li jikkonverti ż-żoni mill-ġdid fi bwar permanenti u għar-regoli biex tiġi evitata konverżjoni ġdida taż-żoni ta’ bwar permanenti.

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-firxa ta’ bdiewa soġġetti għall-obbligu tal-konverżjoni mill-ġdid minn bdiewa li:

(a)

huma soġġetti għall-obbligi skont il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’ żoni ta’ bur permanenti li mhumiex soġġetti għall-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament; u

(b)

skont applikazzjonijiet sottomessi b’konformità mal-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 waqt is-sentejn ta’ qabel, jew fl-2015 waqt it-tliet snin ta’ qabel, għandhom żoni agrikoli għad-dispożizzjoni tagħhom li ġew ikkonvertiti minn żoni ta’ bwar permanenti jew minn art b’bur permanenti f’żoni għall-użi oħra.

Fejn il-perjodi msemmija f’punt (b) tat-tieni subparagrafu jinkludu s-snin kalendarji qabel l-2015, l-obbligu tal-konverżjoni mill-ġdid għandhom japplikaw għal żoni li ġew ikkonvertiti f’żoni għal użi oħra minn art b’mergħa permanenti li kienu soġġetti għall-obbligazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 tal-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Fid-determinazzjoni ta’ liema bdiewa għandhom jikkonvertu żoni f’żoni ta’ bwar permanenti, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jimponu l-obbligu fuq bdiewa li għandhom għad-diżpozzizzjoni tagħhom żona li kienet ikkonvertita minn żona ta’ bur permanenti jew minn art b’bur permanenti f’żona għal użi oħra, bi ksur tar-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, jekk applikabbli, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dawn il-bdiewa għandhom jikkonvertu ż-żona kollha kkonvertita.

3.   Jekk l-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2 ma twassalx għal żieda fil-proporzjon imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li taqbeż il-limitu ta’ 5 %, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li bdiewa li għandhom għad-diżpożizzjoni tagħhom żona li kienet ikkonvertita minn żona ta’ bur permanenti jew minn art b’mergħa permanenti f’żona għal użi oħra waqt il-perjodi msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, għandhom jikkonvertu wkoll perċentwal ta’ dik iż-żona konvertita f’żoni ta’ bwar permanenti jew jistabbilixxu żona oħra li tikkorrispondi ma’ dak il-perċentwal bħala żona ta’ bur permanenti. Dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkolat abbażi taż-żona kkonvertita mill-bidwi waqt il-perjodi msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u ż-żona meħtieġa biex il-proporzjon imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jaqbeż il-limitu ta’ 5 %.

Għall-kalkolu tal-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu, miż-żona kkonvertita mill-bidwi, dawk iż-żoni li saru bwar permanenti wara l-31 ta’ Diċembru 2015, dment li jwettqu kontroverifiki amministrattivi tal-bur permanenti ddikjarat b’mod annwali fl-applikazzjoni għall-għajnuna ġeospazjali permezz ta’ intersezzjoni spazjali maż-żona ddikjarata bħala żona ta’ ragħa permanenti fl-2015 irreġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għal ħbula art agrikoli u li dawk iż-żoni ta’ bwar permanenti ma kinux stabbiliti bħala riżultat ta’ obbligu li tiġi kkonvertita mill-ġdid jew li tiġi stabbilita żona ta’ bur permanenti skont il-paragrafu 2 jew dan il-paragrafu. Madankollu, meta t-tali esklużjoni ma tippermettix li jiżdied il-proporzjon imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 iktar mil-limitu ta’ 5 %, l-Istati Membri ma għandhomx jeskludu dawk iż-żoni.

Iż-żoni ta’ bwar permanenti jew art b’ragħa permanenti li l-bdiewa ħolqu fil-kuntest tal-impenji skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (24) u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ma għandhomx jiġu kkunsidrati fiż-żona kkonvertita mill-bidwi għall-kalkolu tal-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Il-bdiewa għandhom ikunu mgħarrfa dwar l-obbligu individwali tal-konverżjoni mill-ġdid u dwar ir-regoli biex jevitaw konverżjoni ġdida ta’ bur permanenti, mingħajr dewmien u dejjem qabel il-31 ta’ Diċemrbu tas-sena li fiha jiġi stabbilit it-tnaqqis ta’ aktar minn 5 %. Għandu jitħares l-obbligu ta’ konverżjoni mill-ġdid qabel id-data għas-sottomissjoni tal-applikazzjoni unika għas-sena ta’ wara, jew fil-każ tal-Isvezja u l-Finlandja, it-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara.

B’deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni konvertiti mill-ġdid jew stabbiliti bħala żoni ta’ bwar permanenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala bur permanenti mill-ewwel ġurnata tal-konverżjoni mill-ġdid jew tat-twaqqif. Dawk iż-żoni għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor għal mill-inqas ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni tagħhom, jew, jekk l-Istat Membru jiddeċiedi dan, fejn il-bdiewa jikkonvertu żoni li diġà kienu użati biex jitkabbru ħxejjex u foraġġ erbaċew ieħor f’żoni ta’ bwar permanenti, dawn iż-żoni għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħxejjex jew foraġġ erbaċew ieħor għan-numru ta’ snin li hemm bżonn sabiex jilħqu l-ħames snin konsekuttivi.

TAQSIMA 4

Żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

Artikolu 45

Aktar kriterji għat-tipi ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

1.   Sabiex it-tipi ta’ żoni elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jikkwalifikaw bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, għandhom japplikaw il-paragrafi 2 sa 11 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-art mistrieħa ma għandhiex tintuża għall-produzzjoni agrikola. B’deroga mill-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, art mistrieħa għall-finijiet tas-sodisfazzjon taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika għal aktar minn ħames snin għandha tibqa’ art li tista’ tinħarat.

3.   Ir-raba’ mtarraġ għandu jkun raba’ mtarraġ li jkun protett skont KAAT 7 kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll raba’ mtarraġ ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkunsidraw biss bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika raba’ mtarraġ protett skont il-KAAT 7. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jikkunsidraw raba’ mtarraġ ieħor għandhom jistabbilixxu kriterji għal dak ir-raba’ mtarraġ ieħor, inkluż it-tul minimu bbażat fuq speċifiċitajiet nazzjonali jew reġjonali.

4.   Il-karatteristiċi tal-pajsaġġ għandhom ikunu għad-dispożizzjoni tal-bidwi u għandhom ikunu dawk protetti taħt il-KAAT 7, l-SMR 2 jew l-SMR 3 kif imsemmija fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

sies tal-ħaxix jew meded art bis-siġar b’wisgħa sa 10 metri;

(b)

siġar iżolati b’dijametru tal-qċaqċet ta’ mill-inqas 4 metri;

(c)

siġar f’linja b’dijametru tal-qċaċet ta’ mill-inqas 4 metri. L-ispazju bejn il-qċaċet ma għandux ikun aktar minn 5 metri;

(d)

siġar fi grupp, li jkunu konnessi b’kopertura tal-qċaċet imrikkbin fuq xulxin, u gruppi żgħar ta’ siġar fl-għelieqi ta’ massimu ta’ 0,3 ettaru fiż-żewġ każijiet;

(e)

ġmiem tal-għelieqi b’wisa’ ta’ bejn metru u 20 metru, li fih ma għandux ikun hemm produzzjoni agrikola;

(f)

għadajjar li jkunu sa massimu ta’ 0,1 ettaru. Ġibjuni li jkunu magħmulin mill-konkrit jew mill-plastik ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika;

(g)

fossijiet b’wisa’ massima ta’ 6 metri, inklużi kanali tal-ilma miftuħin għall-finijiet ta’ irrigazzjoni jew skular. Kanali b’ħitan tal-konkrit ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika.

(h)

ħitan tal-ġebel tradizzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-lista ta’ karatteristiċi tal-pajsaġġ għal dawk f’KAAT 7, SMR 2 jew SMR 3 kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u/jew għal karatteristika waħda jew aktar minn dawk elenkati fil-punt (a) sa (h) tal-ewwel subparagrafu, fejn dan ikun iġġustifikat b’mod xieraq.

Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jinkludu siġar rikonoxxuti bħala karatteristiċi tal-pajsaġġ siewja b’kopertura tal-quċċata iżgħar minn 4 metri.

Għall-finijiet tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wisa’ massimu aktar baxx.

Għall-finijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu daqs minimu għall-għadajjar u jistgħu jiddeċiedu li biċċa art b’veġetazzjoni riparja tul l-ilma b’wisa’ massimu ta’ 10 metri tiġi inkluża fid-daqs tal-għadira. Jistgħu jistabbilixxu kriterji sabiex jiżguraw li l-għadajjar huma ta’ valur naturali, filwaqt li jqisu r-rwol li l-għadajjar naturali għandhom għall-konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet.

Għall-finijiet tal-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji minimi bbażati fuq speċifiċitajiet nazzjonali jew reġjonali, inkluż limiti fuq id-dimensjonijiet ta’ għoli u wisa’.

5.   L-artijiet ta’ lqugħ għandhom jinkludu biċċiet ta’ art ta’ lqugħ tul mogħdijiet ta’ ilma meħtieġa skont KAAT 1, SMR 1 jew SMR 10 kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kif ukoll biċċiet ta’ art ta’ lqugħ oħrajn. Il-wisa’ minima ta’ dawk il-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ l-oħrajn għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri, iżda ma għandhiex tkun inqas minn metru. Dawn għandhom jinsabu fuq jew maġenb għalqa li tinħarat b’tali mod li t-truf twal tagħhom ikunu paralleli għat-tarf tal-mogħdija tal-ilma jew tal-korp tal-ilma. Tul mogħdijiet tal-ilma, dawn jistgħu jinkludu meded art b’veġetazzjoni riparja b’wisgħa sa 10 metri. Ma għandu jkun hemm ebda produzzjoni agrikola fuq biċċiet ta’ art ta’ lqugħ. Permezz ta’ deroga mir-rekwiżit ta’ ebda produzzjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu r-ragħa jew il-ħsad, dment li l-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ ikunu jistgħu jibqgħu jiġu distinti mill-art agrikola ta’ maġenb.

6.   L-ettari agroforestali tfisser raba’ li tinħarat eleġibbli għall-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-iskema ta’ pagament uniku li hemm referenza għaliha fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li tissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom kien jew qiegħed jingħata appoġġ skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1698/2005 jew l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

7.   Fir-rigward tal-istrixxi ta’ ettari eliġibbli tul it-trufijiet tal-foresti l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu l-produzzjoni agrikola jew li jistabbilixxu rekwiżit ta’ ebda produzzjoni agrikola, jew li jipprovdu ż-żewġ għażliet lill-bdiewa. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jippermettux produzzjoni agrikola, permezz ta’ deroga mir-rekwiżit ta’ ebda produzzjoni, jistgħu jippermettu ragħa jew ħsad, dment li l-biċċa tibqa’ distinta mir-raba’ ta’ maġenb. Il-wisa’ minima ta’ dawk il-biċċiet ta’ art ta’ lqugħ għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri, iżda ma għandhiex tkun inqas minn metru. Il-wisa’ massima għandha tkun ta’ 10 metri.

8.   Għal żoni b’imsaġar ta’ newba qasira mingħajr ebda użu ta’ fertilizzant minerali u/jew ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu lista ta’ speċijiet li jistgħu jintużaw għal dak il-għan, billi jagħżlu mil-lista stabbilita skont l-Artikolu 4(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ispeċijiet li huma l-aktar xierqa minn perspettiva ekoloġika, b’hekk jeskludu speċijiet li mhumiex indiġeni b’mod ċar. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti fir-rigward tal-użu ta’ fertilizzanti minerali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jżommu f’moħħhom l-objettiv ta’ din l-għamla partikolari ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika b’mod partikolari biex titħares u tittejjeb il-bijodiversità.

9.   Żoni b’għelejjel li jikbru malajr jew b’kopertura veġetali għandhom jinkludu tali żoni stabbiliti skont ir-rekwiżiti skont SMR 1 kif hemm referenza għalihom fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 kif ukoll żoni oħrajn b’għelejjel li jikbru malajr jew b’kopertura veġetali, bil-kundizzjoni li dawn ikunu stabbiliti biż-żriegħ ta’ taħlita ta’ speċijiet ta’ għelejjel jew billi jinżera’ addizzjonalment ħaxix fl-għelejjel prinċipali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-lista ta’ taħlitiet ta’ speċijiet ta’ għelejjel li għandhom jintużaw u l-perjodu għaż-żriegħ ta’ għelejjel li jikbru malajr jew ta’ kopertura veġetali, u jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet addizjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ metodi ta’ produzzjoni. Il-perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri ma għandux jaqbeż l-1 ta’ Ottubru.

Żoni b’għelejjel li jikbru malajr jew b’kopertura veġetali ma għandhomx jinkludu żoni b’għelejjel tax-xitwa li jinżergħu fil-ħarifa normalment għall-ħsad jew għar-ragħa. Ma għandhomx jinkludu wkoll iż-żoni koperti minn prattiki ekwivalenti msemmija fil-punti I.3 u 4 tal-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u implimentati permezz tal-impenji msemmija fl-Artikolu 43(3(a) ta’ dak ir-Regolament.

10.   Fiż-żoni b’għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu, il-bdiewa għandhom ikabbru dawk l-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu inklużi f’lista stabbilita mill-Istat Membru. Dik il-lista għandha tinkludi l-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu li l-Istat Membru jqis li jikkontribwixxu għall-għan ta’ titjib tal-bijodiversità. Dawk l-għelejjel għandhom ikunu preżenti fl-istaġun ta’ tkabbir. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar fejn jistgħu jitkabbru għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu li jikkwalifikaw bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Dawn ir-regoli għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-objettivi tad-Direttiva 91/676/KEE u d-Direttiva 2000/60/KE, minħabba l-potenzjal li għandhom l-għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu biex iżidu r-riskju ta’ lissija ta’ nitroġenu fil-ħarifa. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ metodi ta’ produzzjoni.

Iż-żoni b’għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu ma għandhomx jinkludu ż-żoni koperti minn prattiki ekwivalenti msemmija fil-punti I.3 u 4 tal-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u implimentati permezz tal-impenji msemmija fl-Artikolu 43(3(a) ta’ dak ir-Regolament.

11.   Bidwi jista’ jiddikjara l-istess żona jew karatteristika tal-pajsaġġ darba biss f’sena ta’ pretensjoni sabiex ikun konformi mar-rekwiżit ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika.

Artikolu 46

Regoli għall-implimentazzjoni reġjonali taż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

1.   L-Istati Membri li jagħżlu l-implimentazzjoni reġjonali prevista fl-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jiddefinixxu r-reġjuni għall-finijiet ta’ dak l-Artikolu. Ir-reġjuni li għandhom jiġu definiti għandhom jikkonsistu minn żoni ġeografiċi uniċi u omoġenji b’kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali simili. Għal dan il-għan, omoġeneità għandha tirreferi għat-tip ta’ ħamrija, l-elevazzjoni, kif ukoll għall-preżenza taż-żoni naturali u seminaturali.

2.   Fir-reġjuni definiti, l-Istati Membri għandhom jagħżlu ż-żoni fejn għandhom jiġu implimentati sa nofs il-punti perċentwali tar-rekwiżit tal-erja ta’ konċentrazzjoni ekoloġika.

3.   Fir-rigward taż-żoni definiti, l-Istati Membri għandhom jipprevedu obbligi speċifiċi għall-bdiewa jew gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw. Dawk l-obbligi għandhom jiżguraw strutturi kontigwi maġenb żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. L-obbligi għall-bdiewa jew il-gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw għandhom jinkludu rekwiżit li kull bidwi li jipparteċipa għandu jkollu tal-anqas 50 % taż-żona soġġetta għall-obbligu stipulat fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fl-art tal-azjenda tiegħu fir-reġjun u skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

4.   L-obbligi għall-bdiewa jew gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw għandhom jiżguraw li ż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kontigwi msemmija fil-paragrafu 3 jikkonsistu f’żona waħda jew aktar minn dawk imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

5.   Fl-għażla taż-żoni u l-previżjoni tal-obbligi kif inhu msemmi fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw, jekk ikun applikabbli, il-bijodiversità eżistenti nazzjonali jew reġjonali u/jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u strateġiji ta’ adattament, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi jew bżonnijiet identifikati bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza ekoloġika tan-netwerk Natura 2000, kif inhu msemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jew biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika.

6.   Qabel ma jistipulaw l-obbligi għall-bdiewa, l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-bdiewa jew lill-gruppi ta’ bdiewa kkonċernati u partijiet interessati oħrajn. Wara konsultazzjoni bħal din, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjan dettaljat finalizzat għall-implimentazzjoni reġjonali u għandhom jinfurmaw lill-partijiet interessati li pparteċipaw fil-konsultazzjoni u lill-bdiewa u lill-gruppi ta’ bdiewa kkonċernati b’dan il-pjan, inkluża l-għażla taż-żoni u l-obbligi għall-bdiewa jew il-gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw u b’mod partikolari l-perċentwal preċiż li kull bidwi individwali għandu jimplimenta fl-azjenda tiegħu stess. L-Istati Membri għandhom jibagħtu dik l-informazzjoni lill-bidwi mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ qabel dik li fiha l-implimentazzjoni reġjonali tkun se tapplika jew għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-waqt xieraq biex il-bidwi jkun jista’ jagħmel l-applikazzjoni tiegħu kif xieraq.

Mingħajr preġudizzju għall-pagamenti lill-bdiewa msemmija fl-Artikolu 43(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stipulati l-arranġamenti fir-rigward tal-kumpensi finanzjarji bejn il-bdiewa u fir-rigward tal-penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dwar iż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kontigwi.

Artikolu 47

Regoli għall-implimentazzjoni kollettiva u l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati minn azjendi li għandhom jitqiesu li jinsabu fil-viċin

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu li ssir implimentazzjoni kollettiva kif inhu stipulat fl-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandhom jiddefinixxu l-kriterji li għandhom jintlaħqu mill-azjendi li jitqiesu li jinsabu fil-viċin u li jużaw xi waħda minn dawn:

(a)

bdiewa li 80 % tal-azjenda tagħhom tkun fl-istess muniċipalità;

(b)

bdiewa li 80 % tal-azjenda tagħhom tkun f’żona b’raġġ li jinkludi numru ta’ kilometri li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri u li jkun sa massimu ta’ 15-il kilometru.

2.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jagħżlu żoni li fihom hija possibbli l-implimentazzjoni kollettiva u li jagħżlu obbligi ta’ impożizzjoni fuq il-bdiewa jew il-gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw, għandhom jikkunsidraw il-bijodiversità eżistenti nazzjonali jew reġjonali u/jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-istrateġiji ta’ adattament, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-baċiri idrografiċi jew il-bżonnijiet identifikati bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza ekoloġika tan-netwerk Natura 2000 imsemmi fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/43/KEE jew li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-infrastruttura ekoloġika.

3.   L-obbligi għall-bdiewa jew il-gruppi ta’ bdiewa li jipparteċipaw u li huma msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jinkludu l-kundizzjoni li ż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kontigwi jikkonsistu minn żona waħda jew aktar minn dawk imsemmija fil-punti (a), (c), (d) u (h) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.   Il-bdiewa li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni kollettiva għandhom jikkonkludu ftehim bil-miktub li jinkludi d-dettalji dwar l-arranġamenti interni tal-kumpens finanzjarju u dwar il-penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità dwar iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika komuni.

Artikolu 48

Determinazzjoni tal-proporzjon tal-foresta meta mqabbla mal-art agrikola

1.   L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jistabbilixxu l-perċentwal ta’ foresti meta mqabbla mal-erja tal-wiċċ tal-art totali msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dak il-paragrafu abbażi tad-dejta disponibbli mill-Eurostat. Id-dejta dwar il-foresti għandha tirreferi għad-definizzjonijiet hekk kif inhuma applikati mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti u għandha teskludi ż-żona taħt art bis-siġar oħra. L-erja tal-wiċċ tal-art totali għandha teskludi l-erja taħt l-ilmijiet interni inklużi x-xmajjar u l-lagi.

2.   Il-proporzjon tal-foresta meta mqabbla mal-art agrikola msemmi fl-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi kkalkolat bl-użu tad-dejta disponibbli mill-Eurostat. Jekk ma jkunx hemm dejta disponibbli mill-Eurostat dwar l-art taħt l-art forestali u agrikola, fl-iskala meħtieġa biex jiġi vvalutat il-proporzjon tal-foresta fuq livell ta’ erja ekwivalenti għal-livell LAU2 jew fil-livell ta’ unità delineata li tkopri żona ġeografika waħda ċara kontigwa li jkollha kundizzjonijiet agrikoli simili, jistgħu jintużaw sorsi ta’ dejta oħrajn.

L-Istati Membri għandhom juru li użaw dejta aġġornata u konsistenti dwar l-art taħt l-art forestali u agrikola, li tirrifletti sa fejn huwa possibbli, is-sitwazzjoni reali.

3.   Id-dejta u l-kalkoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu validi għal tliet snin. Wara l-iskadenza ta’ dan il-perjodu, l-Istati Membri li jiddeċiedu li japplikaw ukoll l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u jġeddu dak il-perjodu ta’ tliet snin għandhom jikkalkolaw il-proporzjonijiet mill-ġdid skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu bl-użu tal-aktar dejta riċenti disponibbli possibbli.

F’każ li bidliet fil-limiti amministrattivi jaffettaw il-proporzjon imsemmi fil-paragrafu 2, id-dejta u l-kalkoli għandhom jiġu vvalutati mill-ġdid u kull bidla fl-applikazzjoni tal-eżenzjoni għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

KAPITOLU 4

PAGAMENT LILL-BDIEWA ŻGĦAŻAGĦ

Artikolu 49

Aċċess ta’ persuni ġuridiċi għall-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ

1.   Il-pagamenti annwali lill-bdiewa żgħażagħ imsemmija fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jingħataw lil persuna ġuridika irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha jekk il-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)

il-persuna ġuridika tkun intitolata għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja msemmija fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u jkollha drittijiet għall-pagament attivati jew ettari eliġibbli ddikjarati, kif imsemmi fl-Artikolu 50(4) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

bidwi żagħżugħ fis-sens tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeżerċita kontroll effettiv u fit-tul fuq il-persuna ġuridika f’termini ta’ deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni, il-benefiċċji u r-riskji finanzjarji fl-ewwel sena tal-applikazzjoni tal-persuna ġuridika għall-pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ. Meta diversi persuni fiżiċi, inklużi persuni li mhumiex bdiewa żgħażagħ, jieħdu sehem fil-kapital jew fil-ġestjoni tal-persuna ġuridika, il-bidwi żagħżugħ għandu jkun jista’ jeżerċita tali kontroll effettiv u fit-tul waħdu jew b’mod konġunt flimkien ma’ bdiewa oħrajn.

(c)

mill-inqas wieħed mill-bdiewa żgħażagħ li jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (b), tissodisfa l-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jekk hemm, sakemm l-Istati Membri jkunu ddeċidew li dawk il-kriterji għandhom japplikaw għal kull bidwi żagħżugħ bħal dan.

Meta persuna ġuridika tkun ikkontrollata unikament jew b’mod konġunt minn persuna ġuridika oħra, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika li jkollha kontroll fuq dik il-persuna ġuridika.

2.   Il-pagament imsemmi fl-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma għandux jibqa’ jingħata jekk il-bdiewa żgħażagħ kollha li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u, fejn xieraq, fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ikunu waqqfu l-kontroll fuq il-persuna ġuridika.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

kwalunkwe referenza fl-Artikolu 50(4) sa (10) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal “bidwi” għandha tinftiehem bħala referenza għall-persuna ġuridika msemmija f’dan l-Artikolu;

(b)

ir-referenza għall-ewwel sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja msemmija fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha tinftiehem bħala referenza għall-ewwel applikazzjoni tal-persuna ġuridika għall-pagament taħt l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ;

(c)

mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, ir-referenza fit-tieni sentenza tal-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-“istabbiliment” għandha tinftiehem bħala referenza għall-istabbiliment mill-bdiewa żgħażagħ li għandhom kontroll fuq il-persuna ġuridika skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Fejn diversi bdiewa żgħażagħ, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, ikunu akkwistaw kontroll fuq il-persuna ġuridika f’mumenti differenti ta’ żmien, l-aktar akkwist ta’ kontroll kmieni għandu jitqies bħala l-ħin tal-“istabbiliment” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 50

Aċċess ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi għall-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ

L-Artikolu 49 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward ta’ grupp ta’ persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li għalihom ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 49(1)(a) ta’ dan ir-Regolament huma ssodisfati fil-livell tal-grupp.

KAPITOLU 5

APPOĠĠ AKKOPPJAT

TAQSIMA 1

Appoġġ akkoppjat volontarju

Artikolu 51

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, “miżuri ta’ appoġġ akkoppjat” tfisser miżuri li jimplimentaw l-appoġġ volontarju akkoppjat imsemmi fl-Artikolu 52(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 52

Prinċipji ġenerali

1.   Ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jiġu ddefiniti mill-Istati Membri skont kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji bħall-karatteristiċi agronomiċi u soċjoekonomiċi u l-potenzjal agrikolu reġjonali, jew l-istruttura istituzzjonali jew amministrattiva. Reġjuni bħal dawn jistgħu jvarjaw minn reġjuni oħra stabbiliti taħt l-iskemi ta’ appoġġ ipprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Meta jiddefinixxu t-tipi speċifiċi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi msemmija fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod partikolari l-istrutturi tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet relevanti tar-reġjun jew tas-settur ikkonċernat.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ċerti tipi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi għandhom jitqiesu li qegħdin f’“diffikultà” jekk ikun hemm riskju ta’ abbandun jew ta’ tnaqqis ta’ produzzjoni minħabba, fost l-oħrajn, il-profitabbiltà dgħajfa tal-attività mwettqa li taffettwa b’mod negattiv il-bilanċ ekonomiku, soċjali jew ambjentali fir-reġjun jew fis-settur ikkonċernat.

Artikolu 53

Kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw kriterji tal-eliġibbiltà għall-miżuri tal-appoġġ akkoppjat f’konformità mal-qafas stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1307/2013 u mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   Iż-żoni u r-rendimenti u n-numru ta’ annimali msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri fil-livell reġjonali jew fil-livell settorjali. Huma għandhom jirriflettu r-rendimenti massimi, iż-żona kkultivata jew in-numru ta’ annimali milħuqa fir-reġjun jew fis-settur fil-mira f’mill-inqas sena fil-perjodu ta’ ħames snin qabel is-sena tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 53(1) ta’ dak ir-Regolament.

Il-pagament annwali għandu jkun espress bħala ammont għal kull unità ta’ appoġġ. Dan għandu jirriżulta mill-proporzjon bejn l-ammont stabbilit għall-iffinanzjar tal-miżura kif notifikat skont il-punt (3)(i) tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament u jew iż-żona jew in-numru ta’ annimali eliġibbli għall-appoġġ fis-sena inkwistjoni, jew iż-żona jew in-numru ta’ annimali stabbiliti kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   Fejn l-appoġġ akkoppjat tal-miżura jkun jikkonċerna ż-żerriegħa taż-żejt msemmiji fl-Anness tal-Memorandum ta’ Qbil bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika fuq iż-żerriegħa taż-żejt fi ħdan il-qafas tal-GATT, it-total ta’ żoni massimi li għandhom ikunu appoġġjati kif notifikat mill-Istati Membri ma għandux jaqbeż żona massima għall-Unjoni sħiħa għall-fini ta’ żgurar ta’ konformità mal-impenji internazzjonali tagħha.

Fejn tinqabeż iż-żona massima msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jaġġustaw iż-żona notifikata bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ tnaqqis li jirriżulta mill-proporzjon bejn iż-żona massima u t-total taż-żoni notifikati għall-appoġġ taż-żerriegħa taż-żejt msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ tnaqqis imsemmi fit-tieni subparagrafu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 71(2) jew (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

4.   Fejn il-miżura tal-appoġġ akkoppjat tkun tikkonċerna annimali bovini u/jew nagħaġ u mogħoż, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu bħala kundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-appoġġ, ir-rekwiżiti li l-annimali jiġu identifikati u rreġistrati previsti fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (26) rispettivament.

5.   L-Istati Membri ma jistgħux jagħtu appoġġ akkoppjat relatat maż-żona lil żoni li mhumiex żoni eliġibbli fis-sens tal-Artikolu 32(2), (3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Meta l-Istati Membri jagħtu appoġġ akkoppjat għall-qanneb, għandha tapplika l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 54

Konsistenza u kumulazzjoni tal-appoġġ

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 52(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-miżuri pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) għandhom jitqiesu bħala “miżuri u politiki oħrajn tal-Unjoni”.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konsistenza bejn:

(a)

miżuri ta’ appoġġ akkoppjat u miżuri implimentati skont miżuri u politiki oħra tal-Unjoni;

(b)

miżuri ta’ appoġġ akkoppjat differenti;

(c)

miżuri ta’ appoġġ akkoppjat u miżuri ffinanzjati mill-għanjuna statali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri ta’ appoġġ akkoppjat ma jfixklux it-tħaddim tajjeb ta’ miżuri oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   Meta appoġġ taħt ċertu miżura ta’ appoġġ akkoppjat jista’ jingħata wkoll skont miżura ta’ appoġġ akkoppjat oħra, jew skont miżura implimentata skont miżuri u politiki oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bidwi kkonċernat jista’ jirċievi appoġġ li jimmira għall-għan imsemmi fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 skont miżura waħda minnhom biss.

Artikolu 55

Kriterji għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 55(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jeżisti nuqqas ta’ alternattivi jekk:

(a)

l-ebda produzzjoni oħra għajr il-produzzjoni soġġetta għal miżura ta’ appoġġ akkoppjat ma tkun tista’ titwettaq fir-reġjun jew fis-settur fil-mira jew il-kontinwazzjoni ta’ produzzjoni ta’ dan it-tip tkun teħtieġ bidliet sinifikanti fl-istrutturi ta’ produzzjoni; jew

(b)

il-konverżjoni lejn produzzjoni oħra tkun limitata ħafna minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ art jew tal-infrastrutturi adattati għal dik il-produzzjoni, it-tnaqqis sinifikanti konsekuttiv fl-għadd ta’ azjendi, il-livell ta’ investimenti meħtieġa li jirriżultaw mill-konverżjoni jew minħabba raġunijiet simili.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 55(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jkun meħtieġ li tiġi pprovduta provvista stabbli lill-industrija lokali tal-ipproċessar meta sospensjoni jew tnaqqis tal-produzzjoni fir-reġjun jew is-settur fil-mira jkun mistenni li jkollu impatt negattiv fuq l-attività u l-vijabbiltà ekonomika relatata jew f’intrapriżi downstream li jiddependu b’mod sinifikanti fuq produzzjoni bħal din, bħal proċessuri ta’ materja prima, biċċeriji jew industriji tal-ikel. Tali intrapriżi downstream jeħtieġ li jkunu lokalizzati fir-reġjun rispettiv jew jeħtieġ li jkunu jiddependu b’mod sinifikanti fuq is-settur għat-tkomplija tal-attività tagħhom.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 55(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, taqlib kontinwu fis-suq relatat għandu jeżisti fejn il-bdiewa fir-reġjun jew is-settur fil-mira huma affettwati mit-telf ekonomiku li jirriżulta b’mod partikolari minn okkorrenza ta’ tniġġis, kontaminazzjoni jew degradazzjoni fil-kwalità tal-ambjent relatat ma’ avveniment speċifiku ta’ ambitu ġeografiku limitat.

4.   Meta tivvaluta l-livell ta’ appoġġ akkoppjat li jirriżulta mill-miżuri biex jiġi approvat bħala nnotifikat mill-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha tqis il-livell ta’ pagamenti diretti akkoppjati mogħtija matul mill-inqas sena fi żmien il-perjodu ta’ referenza 2010-2014 kif imsemmi fl-Artikolu 53(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 2

Pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ tal-qoton

Artikolu 56

Awtorizzazzjoni ta’ art agrikola għall-produzzjoni tal-qoton

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji oġġettivi abbażi ta’ liema art agrikola hija awtorizzata skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Dawn il-kriterji għandhom ikunu bbażati fuq waħda jew iktar minn dawn li ġejjin:

(a)

l-ekonomija agrikola ta’ dawk ir-reġjuni fejn il-qoton huwa għalla ewlenija;

(b)

il-ħamrija u l-klima fiż-żoni kkonċernati;

(c)

il-ġestjoni tal-ilma għat-tisqija;

(d)

sistemi tan-newba u metodi ta’ kultivazzjoni li l-aktar jipproteġu l-ambjent.

Artikolu 57

Awtorizzazzjoni tal-varjetajiet għaż-żrigħ

Għall-finijiet tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-varjetajiet reġistrati fil-“Katalgu Komuni tal-Varjetajiet ta’ Speċi ta’ Pjanti Agrikoli” li huma pprovduti fid-Direttiva 2002/53/KE li huma adattati għall-bżonnijiet tas-suq.

Artikolu 58

Rekwiżiti tal-eliġibbiltà

Iż-żrigħ taż-żoni msemmija fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament (KE) Nru 1307/2013 għandu jsir billi tinkiseb densità minima tat-tħawwil, li għandha tkun stipulata mill-Istat Membru abbażi tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tat-temp u l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjun, fejn xieraq.

Artikolu 59

Prattiki agronomiċi

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-prattiki agronomiċi meħtieġa għaż-żamma u l-ħsad tal-għelejjel f’kundizzjonijiet normali tat-tkabbir.

Artikolu 60

Approvazzjoni ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali

1.   Kull sena, l-Istati Membri għandhom japprovaw għal perjodu ta’ sena, li jibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu, kull organizzazzjoni interprofessjonali msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li tapplika biex issir organizzazzjoni approvata bħal din u li:

(a)

tkopri żona totali ta’ mill-inqas 4 000 ettaru kif stabbilit mill-Istat Membru li tissodisfa l-kriterji tal-awtorizzazzjoni stipulati fl-Artikolu 56 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

tinkludi mill-inqas impriża tal-ħalġ waħda; u

(c)

adottat regoli interni ta’ ħidma, b’mod partikolari dwar il-kundizzjonijiet tas-sħubija u l-miżati, skont ir-regoli nazzjonali u tal-Unjoni.

2.   Fejn jinstab li organizzazzjoni interprofessjonali approvata ma tirrispettax il-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fil-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni sakemm in-nuqqas ta’ rispett tal-kriterji kkonċernati ma jiġix solvut f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. Fejn huwa ppjanat li l-approvazzjoni tiġi rtirata, l-Istat Membru għandu jinnotifika dik l-intenzjoni lill-organizzazzjoni interprofessjonali, flimkien mar-raġunijiet għall-irtirar. L-Istat Membru għandu jagħti permess lill-organizzazzjoni tal-produzzjoni biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien speċifikat.

Il-bdiewa membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata li l-approvazzjoni tagħha ġiet irtirata skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jitilfu d-dritt tagħhom għaż-żieda tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 61

Obbligi tal-produtturi

1.   Produttur ma għandux ikun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni interprofessjonali approvata waħda msemmija fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Produttur li huwa membru ta’ organizzazzjoni interprofessjonali għandu jwassal il-qoton tiegħu lil ħallieġ tal-qoton u li jifforma parti mill-istess organizzazzjoni.

3.   Il-parteċipazzjoni ta’ produtturi f’organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandha tkun ir-riżultat ta’ sħubija volontarja.

KAPITOLU 6

NOTIFIKI

Artikolu 62

Notifiki relatati mad-definizzjonijiet u dispożizzjonijiet relatati

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 sal-31 ta’ Jannar 2015. Tali notifika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali deċiżjonijiet, il-ġustifikazzjoni tagħhom u l-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

Artikolu 63

Notifiki relatati mal-koeffiċjent ta’ tnaqqis skont l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 8 sal-31 ta’ Jannar 2015. Tali notifika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali deċiżjonijiet, il-ġustifikazzjoni tagħhom u l-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

Artikolu 64

Notifiki relatati mal-pagament bażiku

1.   Meta Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikoli 22(2) u (3), 24(10), 29 u 40(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-tali notifika għandha tinkludi dettalji dwar tali deċiżjonijiet. Barra minn hekk, għal deċiżjonijiet skont l-Artikoli 24(10), 29 u 40(4) ta’ dak ir-Regolament, għandha tkun inkluża ġustifikazzjoni fejn tkun relevanti.

Meta Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, tali notifika għandha tinkludi d-dettalji ta’ tali deċiżjonijiet, il-ġustifikazzjoni tagħhom u l-kriterji oġġettivi li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu dawk id-deċiżjonijiet, b’mod partikolari l-kriterji użati għad-definizzjoni tar-reġjuni skont l-Artikolu 23(1) ta’ dak ir-Regolament, il-kriterji użati għad-diviżjoni tal-livelli massimi nazzjonali bejn ir-reġjuni skont l-Artikolu 23(2) ta’ dak ir-Regolament u l-kriterji użati għal kwalunkwe modifiki progressivi annwali skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażliet stipulati fl-Artikoli 30(7), 30(11)(b), 32(3)(b), 32(5) u 36(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ tali deċiżjoni dwar id-dettalji ta’ dawk id-deċiżjonijiet kif ukoll il-ġustifikazzjoni u, fejn relevanti, il-kriterji oġġettivi li fuq il-bażi tagħhom ikunu ttieħdu dawk id-deċiżjonijiet.

F’każ ta’ eżami tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 30(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ tali deċiżjoni eżaminata.

3.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażla stipulata fl-Artikolu 34(3) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tiegħu sal-31 ta’ Jannar tal-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ tali deċiżjoni.

4.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li juża l-għażliet stipulati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(1) u fl-Artikolu 40(2) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel l-ewwel applikazzjoni ta’ tali deċiżjoni bid-dettalji ta’ dawk id-deċiżjonijiet kif ukoll il-ġustifikazzjoni u, fejn relevanti, il-kriterji oġġettivi li abbażi tagħhom ikunu ttieħdu dawk id-deċiżjonijiet.

5.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, għas-sena ta’ pretensjoni kkonċernata, tan-numru totali ta’ ettari ddikjarati mill-bdiewa skont l-Aritkolu 36(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 65

Notifiki relatati ma’ approċċ aktar ekoloġiku

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

sal-15 ta’ Diċembru 2014:

(i)

jekk ikun applikabbli, id-deċiżjoni tagħhom li jikkalkulaw il-pagament li hemm referenza għalih fl-Artikolu 43(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 skont it-tielet subparagrafu ta’ dak il-paragrafu;

(ii)

jekk applikabbli, id-deċiżjoni tagħhom li jaħtru aktar żoni ta’ bwar permanenti sensittivi li hemm referenza għalihom fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(iii)

jekk applikabbli, id-deċiżjoni tagħhom li japplikaw il-bur permanenti msemmi fl-Artikolu 43(9) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fil-livell reġjonali kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(2) ta’ dak ir-Regolament;

(b)

sal-15 ta’ Diċembru tas-sena kkonċernata, id-deċiżjoni biex tingħażel żona ta’ bur permanenti ambjentalment sensittiva ġdida kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41 ta’ dan ir-Regolament;

(c)

sal-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena, għas-sena ta’ pretensjoni kkonċernata:

(i)

in-numru totali ta’ bdiewa li jridu japplikaw tal-inqas obbligu ta’ approċċ aktar ekoloġiku wieħed imsemmi fl-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u n-numru totali ta’ ettari ddikjarat mit-tali bdiewa;

(ii)

in-numru totali ta’ bdiewa eżentati minn prattika waħda jew aktar ta’ approċċ aktar ekoloġiku u n-numru ta’ ettari ddikjarati mit-tali bdiewa, in-numru ta’ bdiewa eżentati mill-prattiki kollha minħabba li jkunu konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, in-numru ta’ bdiewa eżentati mill-obbligu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, u n-numru rispettiv ta’ ettari ddikjarati mit-tali bdiewa. Dawk in-numri ma għandhomx jinkludu l-bdiewa li jipparteċipaw fl-iskema tal-bdiewa ż-żgħar;

(iii)

in-numru totali ta’ bdiewa li japplikaw il-miżuri ekwivalenti, li jiddistingwu l-bdiewa li japplikaw l-ekwivalenza skont l-Artikolu 43(3)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u n-numru rispettiv ta’ ettari ddikjarat mit-tali bdiewa;

(iv)

in-numru totali ta’ bdiewa soġġetti għad-diversifikazzjoni tal-għelejjel, maqsumin skont in-numru ta’ bdiewa soġġetti għal diversifikazzjoni b’żewġ għelejjel u n-numru ta’ bdiewa soġġetti għal diversifikazzjoni bi tliet għelejjel u inkluż in-numru rispettiv ta’ ettari ta’ art li tista’ tinħarat iddikjarat minn tali bdiewa;

(v)

in-numru totali ta’ bdiewa kkunsidrati għall-kalkolu tal-proporzjon taż-żoni ta’ bwar permanenti meta mqabbla maż-żona agrikola totali u n-numru totali ta’ ettari koperti minn bwar permanenti ddikjarat minn tali bdiewa;

(vi)

in-numru totali ta’ bdiewa li jiddikjaraw bwar permanenti ambjentalment sensittivi, in-numru totali ta’ ettari koperti minn bwar permanenti ambjentalment sensittivi iddikjarati minn tali bdiewa u n-numru totali ta’ ettari ta’ bwar permanenti sensittivi għall-ambjent magħżulin;

(vii)

in-numru totali ta’ bdiewa soġġetti għall-obbligu ta’ żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, in-numru totali ta’ ettari li jistgħu jinħartu minn tali bdiewa u n-numru totali ta’ ettari ddikjarati bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika qabel l-applikazzjoni tal-fatturi ta’ ponderazzjoni, maqsumin skont it-tip ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif inhu elenkat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(viii)

in-numru totali ta’ bdiewa li jimplimentaw l-obbligu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika fil-livell reġjonali jew kollettiv u n-numru totali ta’ ettari li jistgħu jinħartu ddikjarat minn tali bdiewa;

(d)

sal-15 ta’ Diċembru ta’ kull sena, il-proporzjon ta’ referenza u l-proporzjon annwali ta’ żoni ta’ bwar permanenti meta mqabbla maż-żona agrikola totali, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-obbligi stabbiliti fil-livell tal-azjenda skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fin-notifika li għandha ssir sal-1 ta’ Awwissu 2014 skont l-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

id-deċiżjoni tagħhom dwar liema żoni elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jitqiesu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika, li sal-1 ta’ Ottubru 2014, trid tiġi supplimentata minn informazzjoni dwar it-tali deċiżjonijiet, inkluż dwar il-kundizzjonijiet applikabbli fuq dawk iż-żoni minħabba deċiżjonijiet mill-Istati Membri;

(b)

informazzjoni dettaljata dwar l-użu ta’ fatturi ta’ konverżjoni u ta’ ponderazzjoni li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

3.   Fin-notifika tagħhom li għandha ssir sal-1 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel, l-ewwel applikazzjoni tad-deċiżjoni relevanti skont l-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dan li ġej:

(a)

għall-Istati Membri li jagħżlu l-implimentazzjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 46(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, informazzjoni dwar id-definizzjoni tar-reġjuni, l-għażla taż-żoni, iż-żoni magħżulin għall-finijiet tal-Artikolu 46(4) ta’ dan ir-Regolament, u informazzjoni li tiġġustifika kif din l-implimentazzjoni reġjonali ssostni l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent, il-klima u l-bijodiversità;

(b)

għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jippermettu li tintuża l-implimentazzjoni kollettiva msemmija fl-Artikolu 46(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-għażla taż-żoni u ż-żoni magħżulin għall-fini tal-Artikolu 47(3) ta’ dan ir-Regolament, jekk applikabbli.

4.   Fin-notifika tagħhom li għandha ssir sal-1 ta’ Awwissu tas-sena ta’ qabel l-ewwel applikazzjoni tad-deċiżjoni relevanti skont l-Artikolu 46(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 46(7) ta’ dak ir-Regolament li jiddeċiedu li japplikaw l-eżenzjoni prevista f’dik id-dispożizzjoni għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dettalji ta’ dik id-deċiżjoni, inklużi d-dejta u l-kalkoli li juru li l-kundizzjonijiet kollha għall-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huma ssodisfati.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet biex tiġi applikata wkoll l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u jġeddu l-perjodu ta’ tliet snin kif inhu stipulat fl-Artikolu 48(3) ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni immedjatament bi kwalunkwe tibdil fl-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 46(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 66

Notifiki relatati mal-pagamenti lill-bdiewa żgħażagħ

1.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-Artikolu 50(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għall-kalkolu tal-pagament lill-bdiewa żgħażagħ, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-metodu għall-kalkolu tal-pagament magħżul u l-limitu massimu stabbilit skont l-Artikolu 50(9) ta’ dak ir-Regolament sal-31 ta’ Jannar 2015.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jiddefinixxi l-kriterji tal-eliġibbiltà skont l-Artikolu 50(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew li japplika l-metodu ta’ kalkolu msemmi fl-Artikolu 50(10) ta’ dak ir-Regolament, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Jannar 2015 dwar it-tali deċiżjoni.

3.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel użu mill-għażla li jikkalkula mill-ġdid in-numru fiss ta’ ettari kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 50(10) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu tas-sena li għaliha tali kalkulazzjoni mill-ġdid ta’ din it-tali deċiżjoni tapplika u jipprovdi ġustifikazzjoni kif ukoll il-kriterji oġġettivi li skonthom tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

Artikolu 67

Notifiki relatati mal-appoġġ akkoppjat volontarju

1.   In-notifiki msemmija fl-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jinkludu l-oġġetti elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għal kull miżura ta’ appoġġ akkoppjat u kull wieħed mit-tipi speċifiċi ta’ setturi tal-biedja jew agrikoli speċifiċi, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għadd totali ta’ benefiċjarji, l-ammont tal-pagamenti li ngħataw kif ukoll iż-żona totali u n-numru totali ta’ annimali li għalihom fil-fatt tħallas l-appoġġ. Dawn in-notifiki għandhom isiru sal-15 ta’ Settembru tas-sena li ssegwi s-sena li għaliha ngħataw il-pagamenti.

Artikolu 68

Notifiki dwar ir-rekwiżiti minimi biex wieħed jirċievi pagamenti diretti

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2014 b’kull deċiżjoni li ħadu skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Artikolu 69

Notifiki dwar il-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jkun fiha d-dettalji ta’ dik id-deċiżjoni, inklużi d-dettalji u l-ġustifikazzjoni tal-kalkolu tal-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid u, fejn xieraq, informazzjoni dwar kull applikazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 41(2) ta’ dak ir-Regolament u dwar kwalunkwe gradwazzjoni fi ħdan l-għadd ta’ ettari skont l-Artikolu 41(5) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 70

Notifiki dwar il-pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali

Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti pagament għal żoni b’restrizzjonijiet naturali skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2014 b’kull deċiżjoni li ħa skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Notifika bħal din għandu jkun fiha d-dettalji ta’ din id-deċiżjoni inkluża, fejn ikun xieraq, informazzjoni dwar kull restrizzjoni tal-pagamenti għal ċerti żoni skont l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dwar kull applikazzjoni tal-limiti massimi msemmija fl-Artikolu 48(4) ta’ dak ir-Regolament u dwar kull applikazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 48(5) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 71

Notifiki dwar l-iskema tal-bdiewa żgħar

Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-iskema tal-bdiewa żgħar skont it-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2014 b’kull deċiżjoni li ħa skont dan it-Titolu.

Notifika bħal din għandu jkun fiha d-dettalji ta’ din id-deċiżjoni, inkluża l-possibbiltà ta’ inklużjoni awtomatika ta’ bdiewa skont l-Artikolu 62(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-kalkolu tal-pagament skont l-Artikolu 63 ta’ dak ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni dwar il-finanzjament imsemmija fl-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, bla dewmien u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Diċembru tas-sena kalendarja li magħha jkollu x’jaqsam il-pagament.

Artikolu 72

Applikazzjoni tal-Artikolu 8(1), 41(4) jew 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal membri ta’ persuni ġuridiċi jew gruppi

Meta Stat Membru jiddeċiedi li japplika l-Artikolu 8(4), 41(8) jew 52(7) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Awwissu 2014 bid-dettalji ta’ dawk id-deċiżjonijiet.

Artikolu 73

Tnaqqis lineari tal-pagamenti

Meta jiġi applikat xi tnaqqis lineari li jissemma fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), fl-Artikolu 51(2) jew fl-Artikolu 65(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-perċentwal ta’ tnaqqis applikat bla dewmien u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja li matulha ntalbu l-pagamenti diretti mnaqqsa b’mod lineari.

Artikolu 74

Talba għal informazzjoni dwar miżuri li ħadu l-Istati Membri

Meta jkun meħtieġ, sabiex tiżgura l-applikazzjoni korretta tar-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu dettalji dwar xi miżuri li ħadu biex jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew dwar kull regola adottata mill-Kummissjoni abbażi ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 75

Rapporti

1.   Meta l-Bulgarija u r-Rumanija jiddeċiedu li jagħtu pagamenti diretti nazzjonali komplementari skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dawn għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2016. Għal kull pagament dirett nazzjonali komplementari, ir-rapport għandu jkun fih l-għadd ta’ benefiċjarji, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti nazzjonali komplementari li ngħataw, l-ettari li għalihom ingħata l-pagament u r-rata tal-pagament fejn relevanti.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li jagħti għajnuna nazzjonali tranżitorja skont l-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dan għandu jressaq rapport annwali lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Settembru tas-sena ta’ wara l-implimentazzjoni ta’ dik l-għajnuna nazzjonali tranżitorja. Għal kull settur, ir-rapport għandu jkun fih l-għadd ta’ benefiċjarji, l-ammont ta’ għajnuna nazzjonali tranżitorja li ngħatat, l-ettari, l-għadd ta’ annimali jew unitajiet oħra li għalihom ingħatat l-għajnuna u r-rata ta’ dik l-għajnuna meta relevanti.

Artikolu 76

Notifika tad-deċiżjoni li tirriżulta minn reviżjoni

Meta deċiżjoni notifikata lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew dan ir-Regolament tista’ tiġi riveduta, il-Kummissjoni għandha tinnotifika bid-deċiżjoni li tirriżulta mir-reviżjoni fi żmien perjodu ta’ erba’ ġimgħat minn meta tittieħdet din id-deċiżjoni, sakemm ma jkunx stabbilit limitu taż-żmien differenti għal din in-notifika fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Din in-notifika għandu jkun fiha d-dettalji tad-deċiżjoni u, meta relevanti, ġustifikazzjoni u l-kriterji oġġettivi li fuqhom issejset din id-deċiżjoni.

KAPITOLU 7

EMENDAR, TĦASSIR U DĦUL FIS-SEĦĦ

Artikolu 77

Emenda tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

L-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jiġi sostitwit bit-test stipulat fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 78

Revoka

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1120/2009 u (KE) Nru 1121/2009 huma revokati.

Madankollu, huma għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ta’ għajnuna relatati mas-snin kalendarji qabel is-sena kalendarja 2015.

Artikolu 79

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet ta’ għajnuna relatati mas-snin kalendarji sussegwenti s-sena kalendarja 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1121/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-iskemi ta’ appoġġ għal bdiewa previsti fit-Titoli IV u V tiegħu (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 27).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(6)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-25 ta’ Novembru 1986 fil-Każijiet konġunti 201/85 u 202/85, Klensch, [1986] Ġabra 3477, paragrafu 10.

(7)  ĠU L 336, 23.12.1994, p. 22.

(8)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata u l-amministrazzjoni ta’ kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ ħlasijiet u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ara l-paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Ottubru 2010 fil-kawża C-61/09 Landkreis Bad Dürkheim [2010] Ġabra I-09763, il-paragrafu 50 et seq.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013 p. 487).

(12)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEEtat- 12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1).

(13)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(14)  L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) - Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa. COM(2013) 249 final, 6.5.2013.

(15)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-25 ta’ Ottubru 2012 fil-Każ C-592/11, Anssi Ketelae, għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra, paragrafu 56.

(16)  ĠU L 147, 18.6.1993, p. 26.

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(18)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(19)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-marketing taż-żerriegħa ta’ pjanti taż-żejt u tal-fibra (ĠU L 193, 20.7.2002, p. 74).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(22)  Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(25)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(27)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, p. 671).


ANNESS I

Kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1)

L-informazzjoni għandha tinkludi:

(1)

l-ammont totali ffissat għall-għajnuna akkoppjata u l-perċentwal relatat tal-limitu massimu nazzjonali li jirreferi għalih l-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal kull sena sal-2020;

(2)

it-titolu ta’ kull miżura ta’ appoġġ;

(3)

deskrizzjoni ta’ kull miżura ta’ appoġġ, li tinkludi mill-anqas:

(a)

ir-reġjun jew is-settur fil-mira;

(b)

it-tipi speċifiċi ta’ biedja u/jew is-setturi agrikoli speċifiċi magħżula kif ukoll deskrizzjoni tad-diffikultajiet li jkun hemm;

(c)

l-importanza ekonomika, soċjali jew ambjentali relatata;

(d)

il-kriterji stabbiliti għall-fini li jiġu definiti s-setturi u l-produzzjonijiet fil-mira msemmija fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(e)

kwalunkwe implimentazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(f)

it-tul taż-żmien tagħha;

(g)

il-kundizzjonijiet applikabbli tal-eliġibbiltà;

(h)

l-ammont ta’ appoġġ stmat għal kull unità kkalkulat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(2) ta’ dan ir-Regolament;

(i)

l-ammont iffissat għall-finanzjament;

(j)

il-limitu kwantitattiv applikabbli, jiġifieri ż-żoni u rendimenti fissi jew in-numru fiss ta’ annimali skont l-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(k)

fejn xieraq, iż-żona massima stabbilita għall-finijiet ta’ implimentazzjoni tal-appoġġ għaż-żerriegħa taż-żejt imsemmija fl-Artikolu 53(3) ta’ dan ir-Regolament;

(l)

kwalunkwe miżura eżistenti applikata skont skemi oħra ta’ għajnuna mill-Unjoni jew skont miżuri ffinanzjati minn għajnuniet statali fl-istess reġjun jew settur bħala miżura ta’ appoġġ akkoppjat u, fejn ikun meħtieġ, il-kriterji u r-regoli amministrattivi biex jiġi żgurat li appoġġ li jimmira għall-objettiv imsemmi fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma jingħatax ukoll skont skemi oħra ta’ appoġġ mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 52(9) ta’ dak ir-Regolament;

(4)

fejn xieraq, id-deskrizzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni partikolari fir-reġjun jew fis-settur immirat u l-karatteristiċi tat-tipi ta’ biedja jew setturi agrikoli speċifiċi, li jagħmlu l-perċentwal msemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 mhux biżżejjed biex jindirizza d-diffikultajiet identifikati u li jiġġustifikaw livell ogħla ta’ appoġġ skont l-Artikolu 54(2) ta’ dak ir-Regolament;

(5)

fejn xieraq, il-prova tal-eżistenza ta’ waħda mill-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1)(a), (b), (c) jew (d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.


ANNESS II

“ANNESS X

Il-konverżjoni u l-fatturi ta’ ponderazzjoni msemmija fl-Artikolu 46(3) (*)

Karatteristiċi

Fattur ta’ konverżjoni

(m/siġra għal m2)

Fattur ta’ ponderazzjoni

Żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

(jekk jiġu applikati ż-żewġ fatturi)

Art mistrieħa (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

1

1 m2

Raba’ mtarraġ (kull 1 m)

2

1

2 m2

Karatteristiċi tal-pajsaġġ:

 

 

 

 

Sies tal-ħaxix/meded art bis-siġar (għal kull 1 m)

5

2

10 m2

Siġra iżolata (għal kull siġra)

20

1,5

30 m2

Siġar f’linja (kull 1 m)

5

2

10 m2

Grupp ta’ siġar/Gruppi żgħar ta’ siġar fl-għelieqi (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

1,5

1,5 m2

Ġmiem tal-għalqa (kull 1 m)

6

1,5

9 m2

Għadajjar (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

1,5

1,5 m2

Fossijiet (għal kull 1 m)

3

2

6 m2

Ħitan tal-ġebel tradizzjonali (kull 1 m)

1

1

1 m2

Karatteristiċi oħrajn mhux elenkati hawn fuq iżda protetti skont KAAT7, SMR 2 jew SMR 3 (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

1

1 m2

Artijiet ta’ lqugħ (kull 1 m)

6

1,5

9 m2

Ettari agroforestali (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

1

1 m2

Strixxi ta’ ettari eleġibbli tul trufijiet tal-foresti (kull 1 m)

 

 

 

 

 

Mingħajr produzzjoni

Bil-produzzjoni

6

6

1,5

0,3

9 m2

1,8 m2

Żoni b’imsaġar ta’ newba qasira (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

0,3

0,3 m2

Żoni msaġġra kif imsemmi fl-Artikolu 32(2)(b)(ii) (għal kull m2)

mhux applikabbli

1

1 m2

Żoni b’għelejjel li jikbru malajr jew b’kopertura veġetali (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

0,3

0,3 m2

Żoni b’għelejjel li jassimilaw in-nitroġenu (għal kull 1m2)

mhux applikabbli

0,3

0,3 m2


(*)  Il-fatturi ta’ konverżjoni u ponderazzjoni għandhom japplikaw ukoll għal karatteristiċi inklużi fil-prattiki ekwivalenti kif stipulat fit-Taqsima III tal-Anness IX li huma l-istess bħall-karatteristiċi elenkati f’dan l-Anness u kif speċifikati fl-Artikolu 45 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1), għall-iskop uniku ta’ kalkolu taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika tal-azjenda, kif imsemmi fl-Artikolu 46(1) ta’ dan ir-Regolament.”


20.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/48


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2014

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 63(4), 64(6), 72(5), 76, 77(7), 93(4), 101(1) u 120 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fost affarijiet oħra, iħassar u jissostitwixxi, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dawn l-atti. Dawn l-atti b’mod partikolari għandhom jissostitwixxu r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (3).

(2)

B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta mal-funzjonament tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“is-sistema integrata”), il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat-talbiet għal pagamenti, il-kundizzjonijiet għar-rifjut totali jew parzjali tal-għajnuna u l-irtirar totali jew parzjali ta’ għajnuna jew appoġġ mhux dovuti u d-determinazzjon tal-penali amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità relatata mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt miżuri stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt il-miżuri ta’ żvilupp rurali stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u regoli dwar iż-żamma ta’ mergħat permanenti u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità.

(3)

Hemm bżonn ta’ definizzjonijiet supplimentari sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata, apparti d-definizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ddefiniti ċerti termini applikabbli għal regoli dwar il-kundizzjonalità.

(4)

L-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ, ipprovduti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli japplikaw penali kriminali nazzjonali, jekk il-liġi nazzjonali tistipula hekk.

(5)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jiddefinixxi ċerti każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri. Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari li jippermettu lill-Istati Membri jirrikonoxxu każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali fir-rigward tal-pagamenti diretti, l-għajnuna għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità. Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ żmien sa meta l-benefiċjarju għandu jinnotifika każ bħal dan.

(6)

Hemm bżonn ukoll ta’ regoli supplimentari fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula art li se jitħaddmu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Skont dik id-dispożizzjoni, għandu jsir użu minn tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata (GIS). Huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema huma r-rekwiżiti bażiċi u l-miri ta’ kwalità li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistema u li informazzjoni partikolari għandha tkun disponibbli fil-GIS sabiex ikunu żgurati kontroverifiki amministrattivi effettivi. Għaldaqstant, is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għandha tkun aġġornata b’mod regolari sabiex teskludi karatteristiċi u żoni li mhumiex eliġibbli b’mod ċar. Madankollu, biex jiġi evitat in-nuqqas ta’ stabbiltà tas-sistema, għandha tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri minħabba bidliet żgħar fiż-żona l-aktar eliġibbli minħabba l-inċertezza tal-interpretazzjoni fotografika, ikkawżata fost l-oħrajn mill-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħbula art ta’ referenza.

(7)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod proattiv id-dgħufiji possibbli fis-sistema u jieħdu azzjoni ta’ rimedju meta jkun meħtieġ, il-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ ħbula art agrikoli għandha tiġi vvalutata kull sena.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif imiss tal-iskema ta’ pagament bażiku u pagamenti relatati kif stipulat fit-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għad-drittijiet għall-pagament li tiżgura li d-drittijiet għall-pagament ikunu traċċabbli u li, fost l-oħrajn, tippermetti li jiġu kontroverifikati żoni ddikjarati għall-finijiet tal-iskema ta’ pagament bażiku mad-drittijiet għall-pagament disponibbli għal kull bidwi u bejn id-drittijiet għall-pagament differenti bħal dawn.

(9)

Sabiex ikun possibbli li jitwettaq kontroll effettiv u biex tiġi evitata l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet multipli għall-għajnuna lil aġenziji tal-ħlas differenti fi Stat Membru wieħed, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għal sistema waħda biex issir ir-reġistrazzjoni tal-identità tal-bdiewa li jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna soġġetti għas-sistema integrata.

(10)

L-esperjenza wriet li ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ tal-għelieqi, b’mod partikolari, is-sisien tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan tal-ġebel, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti miż-żona eliġibbli għall-pagamenti diretti relatati mal-erja. Hemm bżonn li tiġi ddefinita l-wisa’ aċċettabbli tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fl-għalqa. Minħabba ħtiġijiet ambjentali speċifiċi, jixraq li l-Istati Membri jingħataw xi ftit ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni meta r-rendiment reġjonali ġie stabbilit għall-fini tal-pagamenti skont l-erja preċedenti għall-għelejjel. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw metodu differenti għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ mifruxa u siġar fejn din l-għażla ma tapplikax.

(11)

Minħabba l-importanza tagħhom għal agrikoltura sostenibbli, il-karatteristiċi kollha tal-pajsaġġ li huma soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jiffurmaw parti mill-erja totali ta’ ħabel art agrikolu għandhom jitqiesu eliġibbli.

(12)

Fir-rigward ta’ ħbula art agrikoli użati bħala raba’ jew bħala bwar permanenti li jkun fihom is-siġar, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-preżenza tas-siġar f’dawn iż-żoni u għall-impatt tagħhom fuq l-eliġibbiltà tat-tali żoni. Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, għandha tiġi stipulata densità massima ta’ siġar, li għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u r-raġunijiet ambjentali.

(13)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u biex tiġi favorita l-osservabbiltà u l-kontrollabbiltà tal-pagamenti diretti, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw sistema prorata sabiex jistabbilixxu ż-żona eliġibbli ta’ bur permanenti b’karatteristiċi ineliġibbli mferrxin, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ (u siġar, minbarra karatteristiċi tal-pajsaġġ soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Iż-żona eliġibbli hija ddeterminata għal kull ħabel art ta’ referenza skont il-limiti stabbiliti minn qabel applikati fil-livell tat-tip ta’ kopertura omoġenja tal-art. Karatteristiċi mferrxin li jgħattu sa ċertu perċentwal tal-ħabel art ta’ referenza jistgħu jitqiesu li huma parti miż-żona eliġibbli. Għaldaqstant, għandu jkun stipulat li ma għandu għalfejn isir ebda tnaqqis għaż-żona b’karatteristiċi mferrxin fl-ewwel kategorija li tirrappreżenta l-inqas perċentwal ta’ żona ineliġibbli.

(14)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet meta l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, talbiet, dokumenti jew emendi varji taħbat festa pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd.

(15)

Huwa indispensabbli li jiġu rispettati l-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, talbiet għall-pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra, għall-emenda tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-erja jew talbiet għall-pagamenti, u għal kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ, sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jipprogrammaw u, sussegwentement, iwettqu kontrolli effettivi dwar il-korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, it-talbiet għall-pagamenti jew dokumenti oħrajn. Għalhekk, għandhom jitfasslu regoli fir-rigward tal-limiti ta’ żmien li fihom l-applikazzjonijiet li jintbagħtu tard jistgħu jiġu aċċettati. Sabiex il-benefiċjarji jitħeġġu jirrispettaw il-limiti ta’ żmien, għandu jiġi applikat tnaqqis dissważiv f’każ ta’ preżentazzjoni tard, sakemm l-ittardjar ma jkunx dovut għal każijiet ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.

(16)

Il-preżentazzjoni fil-ħin tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, iż-żieda tal-valur tad-drittijiet għall-pagament mill-benefiċjarji hija essenzjali għall-Istati Membri bil-għan li jiġu stabbiliti fil-ħin id-drittijiet għall-pagament. Għalhekk, il-preżentazzjonijiet ta’ dawk l-applikazzjonijiet li saru tard għandhom jiġu permessi biss fl-istess limitu ta’ żmien addizzjonali bħal dak tal-preżentazzjonijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni għall-għajnuna li jkunu saru tard. Għandu jiġi applikat ukoll tnaqqis dissważiv dejjem jekk id-dewmien ma jkunx riżultat ta’ każijiet ta’ force majeure jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

(17)

Il-benefiċjarji li javżaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi kwalunkwe żmien b’applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagamenti inkorretti, ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi penali amministrattivi irrispettivament mir-raġuni tan-nuqqas ta’ konformità, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità tkun diġà infurmat lill-benefiċjarju bi kwalunwke nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

(18)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari għall-bażi tal-kalkolu tal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, u għall-bażi tal-kalkolu tal-appoġġ volontarju akkoppjat imsejjes fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-annimali tal-irziezet skont skemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali fuq il-bażi ta’ talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti l-penali amministrattivi filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċifiċi marbuta ma’ każijiet ta’ force majeure kif ukoll ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja għal perjodu speċifikat. Dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra jew il-possibbiltà li benefiċjarju jaf ma jiddikjarax l-erjas kollha tiegħu jew joħloq artifiċjalment il-kundizzjoni li għandha tiġi eżentata mill-obbligi ta’ tħaddir. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

(20)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-verifiki b’mod effettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli dwar il-ħarsien tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġi previst l-obbligu tal-benefiċjarji li jiddikjaraw l-erjas kollha disponibbli għalihom kemm jekk huma jkunu qegħdin jitolbu għajnuna għal dawn l-erjas kif ukoll jekk mhumiex skont l-Artiklolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(21)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-erjas eliġibbli u biex jiġi kkalkolat t-tnaqqis applikabbli, jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-erjas li jaqgħu fi ħdan l-istess grupp ta’ għelejjel. Erja għandha titqies bosta drabi jekk din tiġi ddikjarata għall-għajnuna jew għal appoġġ taħt aktar minn skema ta’ għajnuna waħda jew minn miżura ta’ appoġġ waħda. Madankollu, għall-finijiet ta’ approċċ aktar ekoloġiku, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-gruppi ta’ għelejjel differenti.

(22)

Il-pagament ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jeħtieġ għadd ugwali ta’ drittijiet għall-pagament u ta’ ettari eliġibbli. Għall-finijiet ta’ din l-iskema jkun xieraq għalhekk li jiġi previst li l-kalkolu tal-pagament f’każ ta’ diskrepanzi bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata għandha tkun ibbażata fuq l-iżgħar ċifra. Sabiex jiġi evitat li l-kalkolu jiġi bbażat fuq drittijiet li mhumiex eżistenti, għandu jiġi previst li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament użati għall-kalkolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju.

(23)

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-erja u/jew it-talbiet għall-pagament, in-nuqqasijiet ta’ konformità normalment jaffettwaw partijiet mill-erjas. Dikjarazzjonijiet eċċessivi fir-rigward ta’ ħabel art wieħed, jistgħu għalhekk, jibbilanċjaw id-dikjarazzjonijiet nieqsa ta’ ħbula art oħra tal-istess grupp ta’ għelejjel. Fi ħdan ċertu marġni ta’ tolleranza, għandu jiġi stipulat li l-penali amministrattivi jibdew japplikaw biss ladarba dan il-marġni jinqabeż.

(24)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament għal pagamenti relatati mal-erja, id-differenzi bejn it-total tal-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament u t-total tal-erja stabbilit bħala eliġibbli huma ta’ spiss insinifikanti. Sabiex jiġi evitat għadd kbir ta’ aġġustamenti minuri ta’ applikazzjonijiet għandu jiġi previst li l-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament ma għandhomx jiġu aġġustati skont l-erja stabbilita, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu livell ta’ differenzi.

(25)

Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-iskema ta’ għajnuna għall-qoton, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għall-penali amministrattivi fir-rigward ta’ dik l-iskema.

(26)

Il-penali amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali jew negliġenti mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità għall-każijiet fejn benefiċjarju li japplika għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu.

(27)

Għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċjali marbuta mal-każijiet ta’ ċirkostanzi naturali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ għal perjodu speċifikat. Fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti f’livell dissważiv biżżejjed li jiskoraġġixxu dikjarazzjoni eċċessiva intenzjonali.

(28)

Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il-perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

(29)

Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistema integrata. L-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu penali nazzjonali addizzjonali, meta jkun hemm bżonn.

(30)

Il-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet bla ma jwasslu għall-penali amministrattivi pprovduta għall-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talba għall-pagament għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’ dejta żbaljata li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata fir-rigward ta’ annimali bovini li għalihom it-tali nuqqasijiet ta’ konformità jikkostitwixxu ksur ta’ kriterju tal-eliġibbiltà, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie mgħarraf bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità ma tkunx għada għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

(31)

Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l-irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. Rifjut u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħrajn, iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi miżuri ta’ appoġġ. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva. Il-penali amministrattivi għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa minn miżura waħda jew iktar ta’ appoġġ [jew tipi ta’ operazzjonijiet] għal perjodu speċifikat.

(32)

Għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, il-penali amministrattivi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-appoġġ affettwat min-nuqqas ta’ konformità. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiddefinixxu l-każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun mistenni li jiġi indirizzat mill-benefiċjarju fi żmien raġonevoli.

(33)

L-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistabbilixxi, fir-rigward tas-snin 2015 u 2016, li r-regoli dwar il-kundizzjonalità jinkludu wkoll iż-żamma ta’ mergħat permanenti. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jkun speċifikat li l-Istati Membri għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-2015 u l-2016 skont il-proporzjon stabbilit fl-2014.

(34)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi stabbilita bażi armonizzata għall-valutazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità u l-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi minħabba l-kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar it-tifsira tat-termini: ripetizzjoni, firxa, severità u permanenza ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk jeħtieġ li jkun spjegat meta jkun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità.

(35)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn għandhom jiġu applikati biss meta l-bidwi jkun ġab ruħu b’mod negliġenti jew intenzjonat u għandhom jiġu ggradati skont kemm ikun serju n-nuqqas ta’ konformità.

(36)

Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, minbarra l-iggradar tal-penali amministrattivi fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi stipulat li minn ċertu żmien, il-ksur ripetut tal-istess obbligu ta’ konformità għandu, wara twissija minn qabel lill-bidwi, jiġi ttrattat bħala nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

(37)

Barra minn hekk, fejn f’kundizzjonijiet partikolari l-possibbiltà li ma jiġu applikati ebda penali amministrattivi għal nuqqasijiet ta’ konformità skont l-Artikoli 97(3) u 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 hija applikata minn Stat Membru, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward ir-rimedju tan-nuqqas ta’ konformità rilevanti.

(38)

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ twissija bikrija, kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, f’każ li l-benefiċjarju ma jissodisfax l-obbligu li tittieħed azzjoni ta’ rimedju, it-tnaqqis għandu jiġi applikat b’mod retroattiv fir-rigward tas-sena li għaliha tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija. Il-kalkolu ta’ penali amministrattivi għandu jqis ukoll ir-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni fis-sena ta’ kontroll sussegwenti, jekk applikabbli. Sabiex tingħata ċertezza legali lill-benefiċjarji, għandu jiġi stabbilit limitu taż-żmien għall-applikazzjoni retroattiva ta’ penali amministrattivi.

(39)

Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-operazzjonijiet pluriennali li nbdew taħt programmi ta’ żvilupp rurali approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (6) u li huma taħt l-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandu jiġi stabbilit li japplikaw is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi l-ġodda, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet nazzjonali li huma inkarigati biex jivverifikaw il-konformità tagħhom u jiżguraw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri.

(40)

Fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, li għalihom ma ġewx applikati l-penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minimis ipprovduta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (7) jew ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, iżda li għalihom l-Istati Membri kellhom jassiguraw li l-benefiċjarji jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ konformità, għandhom jiġu stabbiliti regoli tranżitorji sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-obbligu ta’ segwitu li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1306/2013 u r-regoli l-ġodda f’dak ir-rigward f’dak ir-Regolament.

(41)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu jitħassar. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (8) għandu jitħassar.

(42)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-pagamenti relatati mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward ta’:

(a)

il-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar parzjali jew totali tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(b)

l-identifikazzjoni tal-penali amministrattivi u l-iffissar tar-rata speċifika li għandha tkun imposta;

(c)

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom ma tiġix applikata l-penali amministrattiva;

(d)

ir-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien li fihom id-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet jew emendi taħbat vaganza pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd;

(e)

id-definizzjonijiet speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata;

(f)

il-karatteristiċi bażiċi u r-regoli tekniċi għas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli u l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji;

(g)

il-karatteristiċi bażiċi, ir-regoli tekniċi u r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament;

(h)

il-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, inklużi regoli dwar kif għandhom jiġu ttrattati ċerti każijiet li fihom iż-żoni eliġibbli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ jew siġar;

(i)

ir-regoli addizzjonali għall-intermedji bħal servizzi, korpi u organizzazzjonijiet, li huma involuti fil-proċedura tal-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(j)

iż-żamma ta’ mergħat permanenti fir-rigward tal-kundizzjonalità;

(k)

bażi armonizzata għall-kalkolu ta’ penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(l)

kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(m)

żieda mar-regoli pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli mħassra għar-regoli l-ġodda.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 67(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“benefiċjarju” tfisser bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, il-benefiċjarju soġġett għall-kundizzjonalità skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(2)

“nuqqas ta’ konformità” tfisser:

(a)

għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; jew

(b)

għall-kundizzjonalità, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorja skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bl-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art iddefinita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jew biż-żamma ta’ mergħa permanenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament;

(3)

“applikazzjoni għal appoġġ” tfisser applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul f’miżura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(4)

“talba għall-pagament” tfisser applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(5)

“dikjarazzjoni oħra” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra l-applikazzjonijiet għal appoġġ jew it-talbiet għall-pagament, li għandhom jiġu ppreżentati jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali;

(6)

“miżuri ta’ żvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata” tfisser il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u fejn ikun applikabbli l-Artikolu 35(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u l-miżuri skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispiża għall-istabbilment;

(7)

“sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali” tfisser is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u/jew is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini jew kaprini stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (11) rispettivament;

(8)

“tikketta tal-widna” tfisser it-tikketta tal-widna biex tidentifika lill-annimali bovini msemmija fl-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew it-tikketta tal-widna biex tidentifika l-annimali ovini u kaprini msemmija individwalment fil-punt A.3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(9)

“bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali” tfisser il-bażi tad-dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(10)

“passaport tal-annimal” tfisser il-passaport tal-annimal li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(c) u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(11)

“reġistru” fir-rigward tal-annimali tfisser ir-reġistru miżmum mill-indokraturi tal-annimali li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(d) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(12)

“kodiċi ta’ identifikazzjoni” tfisser il-kodiċi ta’ identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew il-kodiċijiet li hemm referenza għalihom fil-punt A.2. tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(13)

“skema ta’ għajnuna għall-annimali” tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;

(14)

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali jew l-għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem iddikjarati;

(15)

“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(16)

“annimali ddikjarati” tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;

(17)

“annimal potenzjalment eliġibbli” tfisser annimal li a priori jista’ potenzjalment jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jirċievi l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali fis-sena tat-talba inkwistjoni;

(18)

“annimal determinat” tfisser:

(a)

għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew

(b)

għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(19)

“indokratur tal-annimali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-annimali kemm jekk fuq bażi permanenti kif ukoll jekk fuq bażi temporanja, inkluż matul it-trasport jew f’suq;

(20)

“skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja” tfisser il-pagamenti diretti relatati mal-erja skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament 1306/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-Gżejjer minuri tal-Eġew kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(21)

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq id-daqs tal-erja ddikjarata;

(22)

“użu” fir-rigward tal-erja tfisser l-użu ta’ erja f’termini tat-tip ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-tip ta’ bur permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ dak ir-Regolament, bwar permanenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament jew erjas ta’ bur, minbarra bur permanenti jew mergħa permanenti, jew kopertura ta’ art jew in-nuqqas ta’ għelejjel;

(23)

“erja determinata” tfisser:

(a)

għal skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, l-erja li fil-każ tagħha ġew sodisfatti l-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha jew obbligi oħrajn relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, irrispettivament mill-għadd tad-drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju; jew

(b)

għal miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, l-erja ta’ ġonot raba’ jew ħbula art kif identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(24)

“Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika” (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “GIS”) tfisser it-tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(25)

“ħabel art ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata li żżomm identifikazzjoni unika kif reġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(26)

“materjal ġeografiku” tfisser mapep u dokumenti oħrajn użati biex jiġi kkomunikat il-kontenut tal-GIS bejn l-applikanti għall-għajnuna jew l-appoġġ u l-Istati Membri.

2.   Għall-finijiet tat-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Barra minn hekk, “standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif iddefiniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 kif ukoll l-obbligi fir-rigward tal-mergħat permanenti kif stabbiliti fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Applikazzjoni tal-penali kriminali

L-applikazzjoni tal-penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar tal-għajnuna jew l-appoġġ kif stipulat f’dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali kriminali, jekk il-liġi nazzjonali tkun tistipula hekk.

Artikolu 4

Force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Fir-rigward ta’ pagamenti diretti, jekk benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà jew obbligi oħra minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ force majeure jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ tal-iżvilupp rurali skont l-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jekk benefiċjarju ma setax jissodisfa l-impenn minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pagament rispettiv għandu jiġi rtirat b’mod proporzjonali għas-snin li matulhom ikunu seħħew il-force majeure jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-irtirar għandu jirrigwarda biss dawk il-partijiet tal-impenn li għalihom ma sarux spejjeż addizzjonali jew intilef dħul qabel seħħet il-force majeure jew qabel seħħew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-ebda irtirar ma għandu japplika fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u obbligi oħrajn u ma għandha tapplika l-ebda penali amministrattiva.

Rigward miżuri oħrajn ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu r-rimborż parzjali jew sħiħ tal-appoġġ f’każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Fil-każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, ir-rimborż tal-appoġġ riċevut fis-snin ta’ qabel ma għandux ikun meħtieġ u l-impenn jew il-pagament għandu jkompli fis-snin ta’ wara skont it-tul oriġinali tiegħu.

Meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-force majeure jew miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jikkonċerna l-kundizzjonalità, il-penali amministrattivi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jiġu applikati.

2.   Il-każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu notifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti, bl-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-benefiċjarju, jew il-persuna intitolata permezz tiegħu, tkun f’pożizzjoni biex tagħmel dan.

TITOLU II

IS-SISTEMA INTEGRATA TA’ AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL

KAPITOLU I

REKWIŻITI TAS-SISTEMI

Artikolu 5

Identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli

1.   Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha topera fil-livell ta’ ħabel art ta’ referenza. Ħabel art ta’ referenza għandu jkun fih unità ta’ art li tirrappreżenta żona agrikola kif definita fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Fejn ikun xieraq, ħabel art ta’ referenza għandu jinkludi wkoll żoni kif imsemmija fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u art agrikola kif imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-ħabel art ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li l-ħabel art ta’ referenza jista’ jitkejjel, jippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull ħabel art agrikolu ddikjarat kull sena u bħala prinċipju, huwa stabbli maż-żmien.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ħbula art agrikoli li huma ddikjarati jkunu identifikati b’mod affidabbli. Dawn għandhom b’mod partikolari jeħtieġu li tintbagħat l-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament flimkien ma’ dokumenti speċifikati mill-awtorità kompetenti li jippermettu li jinstab u jitkejjel kull ħabel art. Għal kull ħabel art ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-miżuri relatati mal-erja msemmija fl-Artikoli 28 sa 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c)

isibu u jiddeterminaw id-daqs ta’ dawk iż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika elenkati fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li dwarhom l-Istat Membru jkun iddeċieda li jitqiesu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni u/jew ta’ ponderazzjoni stipulati fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn xieraq;

(d)

jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet għaż-żoni muntanjużi, żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali konsiderevoli u żoni oħrajn affetwati minn limitazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iż-żoni ta’ Natura 2000, żoni koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni miżmuma b’mod naturali fi stat ta’ mergħa jew għat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni magħżula mill-Istati Membri għall implimentazzjoni reġjonali u/jew kollettiva ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika skont l-Artikoli 46(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni koperti bi bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (15) jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE Nru 1307/2013 u/jew żoni magħżula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament japplikawx.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żona l-aktar eliġibbli skont il-ħabel art ta’ referenza kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) hija kkwantifikata b’mod korrett f’marġni ta’ massimu 2 %, u b’hekk jikkunsidraw il-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħabel art ta’ referenza.

4.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u l-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.

5.   Il-GIS għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula art agrikoli fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli

1.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw kull sena l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għall-fini tal-iskema ta’ pagament bażiku u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif imsemmi fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi żewġ klassijiet ta’ konformità.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a)

il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli;

(b)

il-proporzjon u d-distribuzzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola;

(c)

l-okkorrenza ta’ ħbula art ta’ referenza b’difetti kritiċi.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a)

il-kategorizzazzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku;

(b)

il-proporzjon ta’ erja ddikjarata relattiva mal-erja massima eliġibbli fil-ħbula art ta’ referenza;

(c)

il-perċentwal ta’ ħbula art ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulata matul is-snin.

Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet fis-sistema, l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju xierqa.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ ħbula art ta’ referenza li għandu jintgħażel u jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Għandhom jużaw dejta li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fuq l-art.

3.   Rapport ta’ valutazzjoni u, fejn xieraq, l-azzjonijiet ta’ rimedju u l-iskeda tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ wara is-sena kalendarja relatata.

Artikolu 7

Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament

1.   Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagament stipulata fl-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 għandha tkun reġistru elettroniku f’livell ta’ Stat Membru u għandha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroverifiki previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, tiżgura traċċabbiltà effettiva tad-drittijiet għall-pagamenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

(a)

id-detentur;

(b)

il-valuri annwali;

(c)

id-data tat-twaqqif;

(d)

id-data tal-aħħar attivazzjoni;

(e)

l-oriġini, partikolarment fir-rigward tal-attribuzzjoni, ir-riżerva oriġinali, nazzjonali jew reġjonali kif ukoll ix-xiri, il-kiri u l-wirt tiegħu;

(f)

meta jiġi applikat l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet imħaddna bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni;

(g)

fejn applikabbli, restrizzjonijiet reġjonali.

2.   L-Istati Membri li fihom hemm aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda jistgħu jiddeċiedu li jħaddmu r-reġistru elettroniku fil-livell tal-aġenzija tal-pagamenti. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li r-reġistri differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin.

Artikolu 8

Identifikazzjoni tal-benefiċjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72(3) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013, is-sistema unika għar-reġistrazzjoni tal-identità ta’ kull benefiċjarju kif previst fl-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament għandha tiggarantixxi identifikazzjoni unika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament kollha jew dikjarazzjonijiet oħrajn ippreżentati mill-istess benefiċjarju.

KAPITOLU II

ĦBULA ART AGRIKOLI B’KARATTERISTIĊI TAL-PAJSAĠĠ U SIĠAR

Artikolu 9

Determinazzjoni taż-żoni li fihom il-ħbula art agrikoli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.   Meta ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ, b’mod partikolari s-sies tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan, ikunu tradizzjonalment parti minn prattiki agrikoli tajbin ta’ kultivazzjoni jew użu f’żona agrikola f’ċerti reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona korrispondenti għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ ħabel art agrikolu skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 diment li din ma taqbiżx il-wisa’ totali li għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun ikkonċernat u ma għandux jaqbeż iż-żewġ metri.

Madankollu, meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni qabel id-9 ta’ Diċembru 2009 b’wisa’ akbar minn żewġ metri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (18), dik il-wisa’ xorta waħda tista’ tiġi applikata.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu ma għandhomx japplikaw għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxa jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

2.   Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jagħmlu parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ dak il-ħabel art agrikolu.

3.   Ħabel art agrikolu li fih siġar imferrxin għandu jitqies bħala żona eliġibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet agrikoli jistgħu jitwettqu b’mod simili bħal fi ħbula art mingħajr siġar fl-istess żona; u

(b)

l-għadd ta’ siġar għal kull ettaru ma jaqbiżx id-densità massima.

Id-densità massima msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri u nnotifikata abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u raġunijiet ambjentali. Din ma għandhiex taqbeż il-100 siġra għal kull ettaru. Madankollu, dak il-limitu ma għandux japplika b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal siġar tal-frott imferrxin li jrendu ħsad ripetut, għal siġar imferrxin li jistgħu jintużaw għall-mergħat f’bur permanenti u għal bur permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxin jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

Artikolu 10

Sistema prorata għal bwar permanenti li jkun fihom karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.   Fir-rigward tal-bwar permanenti b’karatteristiċi mferrxin ineliġibbli, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema prorata sabiex jiddeterminaw iż-żona eliġibbli fil-ħabel art ta’ referenza.

Is-sistema prorata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti f’kategoriji differenti ta’ tipi ta’ kopertura omoġenja tal-art li għalihom jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis fiss ibbażat fuq il-perċentwal taż-żona ineliġibbli. Il-kategorija li tirrappreżenta l-aktar perċentwal baxx ta’ erja ineliġibbli ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-erja ineliġibbli u ma għandu jiġi applikat ebda koeffiċjent ta’ tnaqqis għal dik il-kategorija.

2.   Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tagħmel parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal bwar permanenti li jkun fihom siġar tal-frott li jroddu ħsad ripetut.

KAPITOLU III

APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA U TALBIET GĦAL PAGAMENTI

Artikolu 11

L-applikazzjoni unika

L-applikazzjoni unika għandha mill-inqas tkopri l-applikazzjoni għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u skemi ta’ għajnuna oħra relatati mal-erja.

Artikolu 12

Deroga għad-data finali għall-preżentazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (19), meta d-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna, applikazzjoni għal appoġġ, talba għall-pagament jew dikjarazzjonijiet oħra jew kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ), jew id-data finali għall-emendi tal-applikazzjoni unika, tkun btala pubblika, jew tkun is-Sibt jew il-Ħadd, din għandha titqies li taqa’ fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni mressqa tard kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni tard kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14 għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn benefiċjarji għal allokazzjoni jew żieda ta’ drittijiet għall-pagament.

Artikolu 13

Preżentazzjoni tard

1.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament skont dan ir-Regolament wara d-data finali ta’ din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li l-benefiċjarju kien ikun intitolat għalihom kieku l-applikazzjoni jew it-talba kienet ippreżentata fi ħdan il-limitu taż-żmien.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti meta tali applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni jew it-talba għandha titqies bħala inammissibbli u ma għandhom jingħataw ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.

2.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, fejn il-benefiċjarju tal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) li huwa wkoll soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma jissottomettix il-formola ta’ applikazzjoni unika sad-data finali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol. It-tnaqqis massimu għandu jkun limitat għal 25 %. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri taħt l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.

3.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ emenda għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament wara d-data finali għal din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti relatati mal-użu reali tal-ħbula art agrikoli kkonċernati.

Emendi għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom ikunu ammissibbli biss sal-aħħar data possibbli għat-tressiq tard tal-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif hemm speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, meta dik id-data tkun qabel jew l-istess bħad-data finali għall-preżentazzjoni ta’ emenda fl-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-emendi għall-applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom jitqiesu bħala mhux ammissibbli wara dik id-data.

Artikolu 14

Preżentazzjoni tard ta’ applikazzjoni relatata mad-drittijiet għall-pagament

Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal allokazzjoni jew, meta jkun applikabbli, ta’ żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament wara d-data finali ffissata għal dan il-għan mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal f’dik is-sena għal tnaqqis ta’ 3 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għandhom jitħallsu fir-rigward tad-drittijiet għall-pagament, jew, fejn ikun applikabbli, fir-rigward taż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli u l-ebda dritt għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, l-ebda żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament ma għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.

KAPITOLU IV

KALKOLU TAL-GĦAJNUNA U TAL-PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-ISKEMI TA’ PAGAMENTI DIRETTI U MIŻURI GĦALL-IŻVILUPP RURALI FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAS-SISTEMA INTEGRATA

TAQSIMA 1

Regoli ġenerali

Artikolu 15

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi

1.   Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

2.   L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.

Artikolu 16

Nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-erjas kollha

1.   Jekk, għal sena partikolari, benefiċjarju ma jiddikjarax il-ħbula art agrikoli relatati mal-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u d-differenza bejn l-erja kumplessiva ddikjarata fl-applikazzjoni unika u/jew talba għall-pagament minn naħa u l-erja ddikjarata flimkien mal-erja kumplessiva tal-ħbula art mhux iddikjarati, min-naħa l-oħra, hija aktar minn 3 % tal-erja ddikjarata, l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti u/jew l-appoġġ relatat mal-erja taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja pagabbli lil dak il-benefiċjarju għal dik is-sena għandu jitnaqqas b’mhux aktar minn 3 % skont is-severità tal-ommissjoni.

Il-penali kkalkulata skont l-ewwel subparagrafu għandha titnaqqas bl-ammont ta’ kwalunkwe penali amministrattiva applikata skont l-Artikolu 28(2).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal pagamenti relatati mal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 1308/2013, fejn il-benefiċjarju huwa soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-pagamenti taħt l-iskema tal-bdiewa żgħar kif stipulat fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 2

Skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, ħlief il-pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:

(a)

erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-finijiet li jingħata l-pagament uniku skont l-erja;

(b)

grupp għal kull waħda mill-erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ kull skema oħra ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, li għalih tapplika rata differenti ta’ għajnuna jew appoġġ;

(c)

erjas iddikjarati skont l-intestatura “użi oħra”.

2.   Meta l-istess erja sservi bħala l-bażi għal applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-pagament taħt aktar minn skema waħda ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ.

Artikolu 18

Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ pagamenti relatati mal-erja

1.   Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema tal-bdiewa żgħar, il-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, il-pagament għall-erjas b’restrizzjonijiet naturali u, fejn applikabbli, l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ u meta l-Istati Membri japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju.

(b)

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fl-ewwel sena ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament.

2.   Fil-każ tal-pagament għal bdiewa żgħażagħ u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 50(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata skont l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż il-limitu stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 50(9), l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.

3.   F’każ ta’ pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament tal-erja unika taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Istat Membru skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.

4.   Fil-każ ta’ pagament għal erjas b’restrizzjonijiet naturali u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż in-numru massimu stabbilit mill-Istat Membru, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak in-numru.

5.   F’każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk jiġi stabbilit li l-erja tal-grupp ta’ għelejjel stabbilita hija akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna jew l-appoġġ.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi skont l-Artikolu 19, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk l-erja ddikjarata taqbeż l-erja stabbilita għal grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita għal dak il-grupp ta’ għelejjel.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk id-differenza bejn l-erja totali stabbilita u l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-erja tkun ta’ 0.1 ettaru jew inqas minn hekk, l-erja stabbilita għandha tiġi ffissata daqs l-erja ddikjarata. Għal dan il-kalkolu għandhom jitqiesu biss id-dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erjas fil-livell ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1).

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta dik id-differenza tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-erja totali ddikjarata għall-pagamenti.

7.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, għandha titqies il-medja tal-valuri tad-drittijiet għall-pagament differenti skont l-erja rispettiva ddikjarata.

Artikolu 19

Penali amministrattivi f’każijiet ta’ dikjarazzjoni eċċessiva

1.   Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja, tkun taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18, l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ aktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja stabbilita.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernat.

2.   Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, ma għandha tingħata ebda għajnuna jew appoġġ relatat mal-erja għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.

3.   Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1 u 2 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

Artikolu 20

Penali amministrattivi li jikkonċernaw il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton

Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fejn jiġi stabbilit li l-benefiċjarju ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 61(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (21), il-benefiċjarju għandu jitlef id-dritt għaż-żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, l-għajnuna għall-qoton għal kull ettaru eliġibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha titnaqqas bl-ammont taż-żieda li l-benefiċjarju kieku kien jingħata skont l-Artikolu 60(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 21

Penali amministrattivi, minbarra dikjarazzjonijiet eċċessivi tal-erjas, li jikkonċernaw il-pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ skont il-Kapitolu V tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19, fejn huwa stabbilit li l-benefiċjarju ma jikkonformax mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ ma għandhiex titħallas jew inkella għandha tiġi rtirata kompletament. Barra minn hekk, meta jkun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza għall-finijiet li jagħti prova tal-konformità mal-obbligi, għandha tiġi applikata penali li tikkorrispondi għal 20 % tal-ammont li jkun irċieva, jew li kieku kien jirċievi l-benefiċjarju, bħala pagament għal bdiewa żgħażagħ skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Jekk l-ammont tal-pagamenti eċċessivi u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

TAQSIMA 3

Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:

(a)

kull grupp ta’ erjas iddikjarati bħala għelejjel partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

erjas iddikjarati bħala bwar permanenti u li huma sensittivi ambjentalment kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(c)

erjas oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt (b) iddikjarati bħala bwar permanenti; u

(d)

żoni ddikjarati bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif imsemmi fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Meta l-istess erja tkun iddikjarata għal aktar minn grupp ta’ għelejjel wieħed, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull wieħed minn dawk il-gruppi ta’ għelejjel.

Artikolu 23

Bażi tal-kalkolu tal-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent fir-rigward tal-ettari eliġibbli ddikjarati taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja

1.   Meta l-Istat Membru japplika l-iskema ta’ pagament bażiku, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju;

(b)

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, jekk l-erja ddikjarata f’applikazzjoni unika għall-pagament bażiku jew il-pagament uniku skont l-erja taqbeż l-erja stabbilita, l-erja stabbilita għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalih bħala “il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku”.

Madankollu, jekk l-erja stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tinstab li hija akbar mill-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku.

Artikolu 24

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel

1.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-grupp ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja tal-grupp ta’ għelejjel prinċipali li jmur lil hinn minn 75 % tar-raba’ totali stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħrajn ta’ għelejjel.

2.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li ż-żewġ għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.

Il-proporzjon ta’ differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja taż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin li jmur lil hinn minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħra ta’ għelejjel.

3.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit u ż-żewġ għelejjel ewlenin ma għandhomx ikopru aktar minn 95 %, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 % u l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, immultiplikata bil-proporzjon tad-differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ qabel għandu jkun it-total tal-proporzjonijiet tad-differenza kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2. Madankollu, il-valur ta’ dan il-proporzjon ma għandux jaqbeż 1.

4.   Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas għas-snin sussegwenti, skont il-paragrafi 1, 2 u 3, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ mmultiplikata bil-proporzjon tad-differenza applikabbli.

Artikolu 25

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ bwar permanenti

1.   Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja stabbilita bħala mhux konformi mar-rekwiżiti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas biż-żona stabbilita bħala li ma tikkonformax mal-obbligi kif imsemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.

3.   In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “stabbiliti” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kontroll imwettaq skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, l-aġenzija tal-pagamenti, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 26

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

1.   Iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa”, għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi taż-żona totali tar-raba’ stabbilita u li tinkludi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Jekk iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika taqbeż iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita wara li titqies il-ponderazzjoni taż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika previsti fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tar-raba’ totali stabbilita u li tinkludi, jekk ikun applikabbli skont l-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament, immoltiplikati bil-proporzjon tad-differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tad-differenza bejn iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa u ż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita fiż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa.

3.   Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas skont il-paragrafu 2, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għas-snin sussegwenti, għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ magħżula u tinkludi, jekk dan ikun skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erjas magħżula kif imsemmija fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament immultiplikati bil-proporzjon ta’ differenza applikabbli.

Artikolu 27

Tnaqqis massimu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.   L-għadd tat-tnaqqis ikkalkolat skont l-Artikoli 24 u 26 f’ettari ma għandux jaqbeż in-numru totali ta’ ettari ta’ raba’ stabbilit inklużi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, it-tnaqqis totali kkalkolat skont l-Artikoli 24 sa 26 ma għandux jaqbeż il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku kkalkolat skont l-Artikolu 23.

Artikolu 28

Il-penali amministrattivi fir-rigward tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.   Jekk iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 tkun differenti miż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27, il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandu jiġi kkalkolat fuq din iż-żona msemmija l-aħħar imnaqqas bid-doppju tad-differenza stabbilita jekk dik id-differenza tkun iktar minn 3 % jew żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % taż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

Jekk id-differenza hija aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna.

Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna li jikkorrespondi għad-differenza bejn iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 u ż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

2.   Jekk, il-benefiċjarju ma jiddikjarax l-erja kollha tiegħu bħala raba’ bir-riżultat li kien jiġi eżentat mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 44, 45 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u/jew ma jiddikjarax il-bur permanenti kollu tiegħu li huwa ambjentalment sensittiv skont l-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament, u ż-żona mhux iddikjarata hija aktar minn 0,1 ettaru, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’10 % oħra.

3.   Skont l-Artikolu 77(6) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi applikata għas-snin tat-talbiet 2015 u 2016. Il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi diviża b’5 u limitata sa 20 % tal-ammont tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku li l-bidwi kkonċernat kien ikun intitolat għalih skont l-Artikolu 23 fis-sena tat-talba 2017, u diviż b’4 u limitat għal 25 % tal-istess ammont għas-snin tat-talba 2018 ‘il quddiem.

4.   Jekk l-ammont tal-penali amministrattivi kkalkolat skont il-paragrafi 1, 2, 3 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

Artikolu 29

Regoli applikabbli għal prattiki ekwivalenti

Din it-Taqsima għandha tapplika mutatis mutandis għall-prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 4

Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

Artikolu 30

Bażi tal-kalkolu

1.   Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.

2.   L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.

4.   Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

annimal bovin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef waħda miż-żewġ tikketti tal-widnejn għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit sakemm ikun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħrajn tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(b)

meta annimal bovin wieħed li jkun preżenti fl-impriża agrikola jkun tilef żewġ tikketti tal-widnejn, għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat mir-reġistru, mill-passaport tal-annimal, mill-bażi tad-dejta jew mezz ieħor stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u sakemm l-indokratur tal-annimali jkun jista’ jipprovdi evidenza li huwa kien diġà ħa azzjoni biex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel in-notifika tal-verifika fuq il-post;

(c)

meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jirrigwardaw entrati inkorretti fir-reġistru jew fil-passaporti tal-annimali, l-annimal ikkonċernat għandu jiġi kkunsidrat biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu żbalji bħal dawn f’mill-anqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-bhejjem ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba.

L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

5.   Annimal ovin jew kaprin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef tikketta tal-widnejn waħda għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat permezz tal-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini.

Artikolu 31

Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

1.   Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna taħt skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall-pagament li taqa’ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-benefiċjarju jkun intitolat taħt dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jkunx hemm aktar minn tliet annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

2.   Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b’nuqqasijiet ta’ konformità, l-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li jkun intitolat għalihom il-benefiċjarju taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:

(a)

bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ma jkunx aktar minn 10 %;

(b)

bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ikun iktar minn 10 % iżda mhux aktar minn 20 %.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom ikun intitolat il-benfiċjarju skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew taħt il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

Barra minn hekk, f’każ li l-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 50 %, il-benefiċjarju ma għandu jingħata ebda għajnuna jew appoġġ li kieku kien ikollu dritt għalih/a skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3). Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

3.   Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-għadd ta’ annimali ddikjarati taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali u li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali stabbilit għal dik l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament għas-sena tat-talba kkonċernata.

Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-annimali potenzjalment eliġibbli li nstabu li ġew identifikati jew irreġistrati b’mod mhux korrett fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għandhom jgħoddu bħala annimali li nstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

Artikolu 32

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi f’każijiet ta’ ċirkostanzi naturali

Il-penali amminstrattivi previsti fl-Artikolu 31 ma għandhomx japplikaw f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra bħala riżultat ta’ ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa, diment li huwa jkun informa bil-miktub lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mis-sejba tiegħu bi kwalunkwe tnaqqis fl-għadd ta’ annimali.

Mingħajr ħsara għaċ-ċirkostanzi propji li għandhom jitqiesu fil-każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa li jikkonsistu minn

(a)

il-mewt ta’ annimal b’konsegwenza ta’ marda jew

(b)

il-mewt ta’ annimal wara inċident li għalihom il-benefiċjarju ma jistax jinżamm responsabbli.

Artikolu 33

Penali u miżuri addizzjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu penali nazzjonali addizzjonali li għandhom jiġu applikati lill-intermedjarji, involuti fil-proċedura għall-kisba ta’ għajnuna jew appoġġ, sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kontroll inkluż il-ħarsien tal-obbligi ta’ notifika.

2.   Fir-rigward tal-evidenza provduta minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet ħlief mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(c) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk jinstab li ngħatat evidenza żbaljata minħabba negliġenza jew b’mod intenzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika penali xierqa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Meta nuqqasijiet ta’ konformità bħal dawn jinstabu għat-tieni darba, is-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni involuta għandhom jiġu esklużi għal perjodu ta’ mill-inqas sena mid-dritt li tipprovdi evidenza valida għal skopijiet ta’ appoġġ.

Artikolu 34

Emendi u aġġustamenti għall-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini

Fir-rigward ta’ annimali bovini ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u ommissjonijiet fir-rigward tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini magħmulin minn dak il-ħin meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pgament.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-MIŻURI TA’ APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI

Artikolu 35

Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra d-daqs tal-erja jew l-għadd ta’ annimali, l-impenji jew obbligi oħrajn

1.   L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat b’mod sħiħ f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

2.   L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat kollu jew parti minnu, f’każ li ma jitħarsux l-impenji jew obbligi oħrajn li ġejjin:

(a)

impenji stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali; jew

(b)

fejn ikun rilevanti, obbligi oħrajn tal-operazzjoni stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali fil-programm ta’ żvilupp rurali, b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn.

3.   Meta jiddeċiedi r-rata ta’ rifjut jew irtirar ta’ appoġġ wara n-nuqqas ta’ konformità mal-impenji jew obbligi oħra msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jqis is-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità marbuta mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2.

Is-severità tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-impenji jew l-obbligi li ma jkunux intlaħqu.

Il-firxa tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tiegħu fuq il-ħidma kollha kemm hi.

It-tul għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li matulu jdum jinħass l-effett jew fuq il-possibbiltà li dan l-effett jintemm b’mezzi raġonevoli.

L-okkorrenza mill-ġdid għandha tiddependi fuq jekk instabux nuqqasijiet ta’ konformità simili fl-aħħar erba’ snin preċedenti jew waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni sħiħ 2014-2020 fil-każ tal-istess benefiċjarju u l-istess miżura [jew tip ta’ operazzjoni] jew fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-istess miżura.

4.   F’każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, l-irtirar ibbażat fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-ammonti li diġà tħallsu fis-snin preċedenti għall-istess operazzjoni.

5.   F’każ li l-valutazzjoni globali bbażata fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 twassal biex jiġi stabbilit nuqqas serju ta’ konformità, l-appoġġ għandu jiġi rifjutat jew inkella għandu jiġi rtirat bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.

6.   Fejn ikun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza bil-għan li jirċievi l-appoġġ jew jonqos li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minħabba negliġenza, l-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat kollu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.

7.   Jekk l-irtirar u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 6 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.

Artikolu 36

Sospensjoni tal-appoġġ

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi l-appoġġ relatat ma’ ċertu nfiq fejn jiġi skopert nuqqas ta’ konformità li jirriżulta f’penali amministrattiva. Is-sospensjoni għandha titneħħa mill-aġenzija tal-pagamenti malli l-benefiċjarju jagħti provi sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li s-sitwazzjoni ġiet irrimedjata. Il-perjodu massimu tas-sospensjoni ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll perjodi massimi iqsar ta’ żmien skont it-tip ta’ operazzjonijiet u l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni.

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi biss l-appoġġ fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għan globali tal-operazzjoni kkonċernata, u jekk ikun mistenni li l-benefiċjarju jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni matul il-perjodu massimu ddefinit.

TITOLU IV

SISTEMA TA’ KONTROLL U PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-KUNDIZZJONALITÀ

KAPITOLU I

ŻAMMA TA’ MERGĦAT PERMANENTI

Artikolu 37

Obbligi ta’ mergħat permanenti

1.   Fejn huwa stabbilit li l-proporzjon li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ikun naqas fl-2014 fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistipula l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għal kwalunkwe għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex ma jikkonvertux art li hija mergħa permanenti mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Fejn huwa stabbilit li dak il-proporzjon ikun naqas b’aktar minn 5 % fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistipula tali obbligu.

Jekk l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-erja ta’ art hija stabbilita bħala mergħa permanenti, art bħal din għandha, sa mill-ewwel ġurnata tal-konverżjoni, tiġi kkunsidrata bħala mergħa permanenti permezz ta’ deroga mid-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dik l-erja għandha tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għall-ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni.

2.   L-obbligu tal-benefiċjarji stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-benefiċjarji jkunu ħolqu art li taqa’ taħt mergħa permanenti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 (22), (KE) Nru 1257/1999 (23) u (KE) Nru 1698/2005.

3.   Fejn huwa stabbilit li l-obbligu li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ma jistax jiġi żgurat fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu, apparti l-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistipula, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għall-għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex jikkonvertu lura l-art f’art li taqa’ taħt mergħa permanenti.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal benefiċjarji li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn art li taqa’ taħt mergħa permanenti f’art għal użi oħra.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika fir-rigward ta’ erja ta’ art ikkonvertita b’dan il-mod mid-data tal-bidu għall-perjodu ta’ 24 xahar qabel id-data li fiha kellhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet uniċi skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fl-Istat Membru kkonċernat.

F’dak il-każ, il-bdiewa għandhom jikkonvertu lura perċentwal ta’ dik l-erja f’mergħa permanenti jew jistabbilixxu dak l-ammont ta’ erja bħala mergħa permanenti. Dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont tal-erja kkonvertita b’dan il-mod mill-bidwi u l-ammont tal-erja li hija meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ.

Madankollu, meta erja bħal din tkun soġġetta għal trasferiment wara li tkun ġiet konvertita f’art għal użu ieħor, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss jekk it-trasferiment ikun twettaq wara is-6 ta’ Mejju 2004.

L-erjas konvertiti mill-ġdid jew stabbiliti bħala mergħa permanenti għandhom, sa mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment jitqiesu bħala “mergħa permanenti” permezz ta’ deroga mill-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dawk l-erjas għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għal ħames snin konsekuttivi wara d-data tal-konverżjoni tagħhom.

4.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss matul is-sena 2015.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli fl-2015 u fl-2016 sabiex jiżguraw li l-paragrafi 1 u 3 ikunu rrispettati.

KAPITOLU II

KALKOLU U APPLIKAZZJONI TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 38

Regoli ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità

1.   Ir-“ripetizzjoni” ta’ nuqqas ta’ konformità tfisser nuqqas ta’ konformità mal-istess rekwiżit jew standard iddeterminat aktar minn darba waħda f’perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin kalendarji, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat b’nuqqas ta’ konformità preċedenti u, skont kif ikun il-każ, kellu l-possibbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm dak in-nuqqas ta’ konformità preċedenti. Għall-fini ta’ determinazzjoni tar-ripetizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, nuqqasijiet ta’ konformità misjuba skont ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, u b’mod partikolari, KAAT 3, kif elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandu jitqies ekwivalenti għal SMR 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fil-verżjoni tiegħu li tkun fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2013.

2.   Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi ddeterminata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għar-razzett innifsu.

3.   Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard ikkonċernat.

4.   Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal li jiġu tterminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.

5.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 39

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ negliġenza

1.   Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-benefiċjarju, għandu jiġi applikat tnaqqis. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 3 % tal-ammont totali li jirriżulta minn pagamenti u primjums annwali indikati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi ta’ stima tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll filwaqt li tqis il-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % tal-ammont totali imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew, fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit jew l-istandard inkwistjoni jħallu marġni biex in-nuqqas ta’ konformità misjub ma jkomplix iseħħ jew fil-każi li għalihom jingħata appoġġ skont l-Artikoli 17(5) u 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li ma timponi l-ebda tnaqqis.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax penali amministrattiva skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi applikata l-penali amministrattiva.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

3.   Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandu jiġi applikat b’mod retroattiv tnaqqis ta’ mill-inqas 1 % kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’relazzjoni mas-sena tas-sejba inizjali meta tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija, jekk in-nuqqas ta’ konformità jinstab li ma jkunx ġie rrimedjat matul perjodu massimu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi kkalkolati minn u inkluż dik is-sena.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

Nuqqas ta’ konformità li ma jkunx ġie rimedjat mill-benefiċjarju fiż-żmien stipulat ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ konformità għall-finijiet li jistabbilixxi ripetizzjoni skont il-paragrafu 4.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ewwel ripetizzjoni tal-istess nuqqas ta’ konformità skont il-paragrafu 1 għandu jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta.

F’każ ta’ ripetizzjoni ulterjuri, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tar-ripetizzjoni preċedenti. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont totali li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1.

Ladarba l-perċentwal massimu ta’ 15 % jintlaħaq, l-awtorità tal-pagament għandha tinforma lill-benefiċjarju kkonċernat li jekk jerġa’ jiġi determinat l-istess nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju jitqies li huwa jkun ġab ruħu intenzjonalment skont it-tifsira tal-Artikolu 40.

Artikolu 40

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata

Fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq b’mod intenzjonali mill-benefiċjarju, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 39(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi tal-valutazzjoni tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll fid-dawl tal-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux inqas minn 15 % jew li żżid dak il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont totali.

Artikolu 41

Akkumulazzjoni ta’ penali amministrattivi

F’każ li nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jikkostitwixxi anke nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-penali amministrattivi għandhom jiġu applikati skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 77(8)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 42

Regoli tranżitorji fir-rigward tal-kundizzjonalità

1.   Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-benefiċjarji tal-miżuri implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandhom japplikaw ir-regoli dwar is-sistema ta’ kontroll kif ukoll dwar il-penali amministrattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità li għalihom ma ġewx applikati penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minims imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 rispettivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu japplika fir-rigward tal-obbligu fuq l-awtorità ta’ kontroll li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tivverifika li l-benefiċjarju għamel tajjeb għas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 43

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, dawk ir-Regolamenti (KE) għandhom ikomplu japplikaw għal:

(a)

l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti mressqa fir-rigward ta’ perjodi ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

(b)

it-talbiet għall-pagamenti magħmula b’rabta mas-sena 2014; u

(c)

is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-bdiewa taħt l-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (24).

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagament relatati mas-snin ta’ talbiet għal pagament jew il-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

(14)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.).

(16)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(17)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).

(19)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(20)  Ir-Regolament UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(21)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzij (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1–149).


20.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/74


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 641/2014

tas-16 ta’ Ġunju 2014

li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 24(11), 31(2), 34(5), 39(4), 43(13), 45(7), 55(2), 57(4) u 67(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (2) jistipula l-possibbiltà għall-bdiewa li jiffirmaw kuntratti li permezz tagħhom huma jittrasferixxu drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati, jew id-dritt li jirċievu drittijiet għall-pagament, fil-każ ta’ bejgħ jew kiri tal-azjenda tagħhom. Għandhom jiġu stabbiliti regoli għal ċirkustanzi speċifiċi bħal dawn, b’mod partikolari fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti f’każijiet bħal dawn.

(2)

Għall-finijiet tal-Artikoli 25(2) u 26, u l-Artikolu 40(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kalkolu tal-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati f’każijiet ta’ trasferiment ta’ razzett b’wirt lil bidwi ieħor li jkollu l-intenzjoni li jkompli l-attività agrikola fuq dik l-azjenda u li hu nnifsu huwa intitolat li jiġi allokat drittijiet għall-pagament fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament bażiku.

(3)

Għall-amministrazzjoni tajba tal-iskema ta’ pagament bażiku, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli relatati man-notifiki ta’ trasferimenti ta’ drittijiet għall-pagament li l-bdiewa jridu jagħmlu lill-awtoritajiet nazzjonali.

(4)

Minħabba r-riforniment tar-riżerva nazzjonali jew reġjonali minħabba drittijiet għall-pagament mhux użati skont l-Artikolu 31(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal data li warajha d-drittijiet mhux użati, inklużi d-drittijiet għall-pagament li ma ġewx attivati jew li kieku ma jagħtux lok għal pagamenti, jerġgħu lura lejn ir-riżerva.

(5)

L-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw impenji speċifiċi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni bħala prattiki ekwivalenti li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni f’waqtha u effettiva tal-prattiki inklużi f’dawk l-impenji jew skemi ta’ ċertifikazzjoni, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċedura għan-notifiki u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

(6)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma tapplika ebda konverżjoni mill-ġdid individwali fil-livell tal-azjenda fil-każ li żona ta’ bur permanenti tinżamm f’termini assoluti fi ħdan ċerti limiti. Dawk il-limiti għandhom jiġu ffissati.

(7)

Skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 53(4) u (6)(a) ta’ dak ir-Regolament huma soġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar il-proċedura għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

(8)

L-Artikolu 57(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta regoli dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ art u ta’ varjetajiet għall-finijiet tal-pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, dawk ir-regoli għandhom ikunu limitati għall-iffissar ta’ data finali għat-tlestija ta’ dik il-proċedura, fejn l-istabbiliment tar-regoli ta’ proċedura dettaljati jitħalla f’idejn l-Istati Membri.

(9)

Għandha tiġi stabbilita l-informazzjoni meħtieġa li trid tintbagħat mill-Istati Membri lill-produtturi fir-rigward ta’ dik l-awtorizzazzjoni. Sabiex ikun żgurat li l-produtturi jkunu infurmati fil-ħin, għandha tiġi stabbilita data finali għal dawn in-notifiki.

(10)

Għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tar-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċerti obbligi ta’ notifika fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata mill-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tagħhom li jkunu ġew meħudin skont il-Kapitolu 14 ta’ dak ir-Regolament.

(11)

Sabiex jiġu stabbiliti limiti massimi finanzjarji stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dawk il-limiti massimi, huwa neċessarju li jiġu speċifikati ċerti obbligi ta’ notifika, b’mod partikolari fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata mill-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tagħhom magħmula skont l-Artikoli 22(2) u (3), 42(1), 49(1) u 51(1) ta’ dak ir-Regolament.

(12)

Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, huwa xieraq li jkun hemm dispożizzjoni li n-notifiki skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 u dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (3).

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward ta’:

(a)

dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-pagamenti diretti;

(b)

l-iskema ta’ pagament bażiku:

(c)

il-pagament għall-bdiewa li josservaw prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent;

(d)

appoġġ akkoppjat ta’ natura volontarja;

(e)

pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton;

(f)

in-notifiki li jridu jsiru mill-Istati Membri;

Artikolu 2

Prinċipji ġenerali

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw dan ir-Regolament skont kriterji oġġettivi u b’tali mod li jiżguraw trattament ugwali bejn il-bdiewa u li jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq u tal-kompetizzjoni, filwaqt li jippromwovu ġestjoni sostenibbli ta’ riżorsi naturali u ta’ azzjoni klimatika.

KAPITOLU 2

SKEMA TA’ PAGAMENTI BAŻIĊI

TAQSIMA 1

L-ewwel allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament

Artikolu 3

Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament għandu jsir mix-xerrej jew il-kerrej rispettivament. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji ta’ bejgħ jew kuntratt ta’ kera rispettivament, inkluża klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja ta’ dak il-kuntratt;

(b)

id-dettalji tal-identifikazzjoni tal-bidwi li jkun trasferixxa d-dritt li jirċievi intitolamenti lix-xerrej jew lill-kerrej, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmija fl- Artikolu 8 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 (4).

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu mingħand ix-xerrej jew il-kerrej l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (5)

Artikolu 4

Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014

1.   Fil-każ ta’ bejgħ permezz ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti suġġetti għal dik il-klawżola għandha tiġi magħmula mill-bejjiegħ. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji tal-kuntratt tal-bejgħ, inkluż il-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ;

(b)

in-numru ta’ ettari eliġibbli suġġetti għal dik il-klawżola kuntrattwali;

(c)

id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-bidwi li se jsirlu t-trasferiment skont dik il-klawżola, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmi fl- Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014.

2.   Stat Membru jista’ jippermetti li x-xerrej jagħmel l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti f’isem il-bejjiegħ. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jivverifika li l-bejjiegħ ikun awtorizza li x-xerrej jagħmel l-applikazzjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni għal allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014

1.   Fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament suġġetti għal dik il-klawżola għandha tiġi magħmula minn sid il-kera. Dik l-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dettalji tal-kuntratt tal-kera, inkluż il-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ kera;

(b)

in-numru ta’ ettari eliġibbli suġġetti għal dik il-klawżola tal-kuntratt;

(c)

id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-bidwi li se jsirlu t-trasferiment skont dik il-klawżola, inkluż, jekk disponibbli, l-identifikazzjoni unika tal-benefiċjarju msemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 640/2014.

2.   Stat Membru jista’ jippermetti li l-lokatur jagħmel l-applikazzjoni għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagamenti f’isem sid il-kera. F’dak il-każ, l-Istat Membru għandu jivverifika li sid il-kera jkun awtorizza li l-lokatur jagħmel din l-applikazzjoni.

Artikolu 6

Valur tad-drittijiet għall-pagamenti fil-każ ta’ wirt

1.   Fi Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn bidwi jkun intitolat li jiġi allokat drittijiet skont l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament flimkien ma’ dritt li jirċievi drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-valur tad-drittijiet għall-pagament tiegħu li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi kkalkulat billi jitqies it-total tad-dejta għall-2014 li jirrelataw mal-azjenda oriġinali tiegħu u mal-azjenda li jkun wiret jew il-parti tal-azjenda li jkun wiret.

2.   Fi Stati Membri li japplikaw l-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn bidwi jkun intitolat li jiġi allokat drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-Regolament flimkien ma’ dritt li jirċievi drittijiet għall-pagament skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-valur tad-drittijiet għall-pagament tiegħu li għandu jiġi stabbilit skont l-Artikolu 40(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jkun ibbażat fuq is-somma tad-dejta għas-sena kkonċernata relatata mal-azjenda oriġinali tiegħu u mal-azjenda li jkun wiret jew il-parti tal-azjenda li jkun wiret.

TAQSIMA 2

Attivazzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet għall-pagament

Artikolu 7

L-attivazzjoni tal-intitolamenti għall-pagament fil-każ ta’ bejgħ jew kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014

1.   Fil-każ ta’ bejgħ jew kiri bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ewwel applikazzjoni tax-xerrej jew tal-lokatorju għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Fil-każ ta’ bejgħ permezz ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, ix-xerrej fl-ewwel applikazzjoni tiegħu għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jinkludi dettalji tal-kuntratt tal-bejgħ li jindika l-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ bejgħ. Applikazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl- Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fil-każ ta’ kera bl-użu ta’ klawżola kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014, il-lokatorju fl-ewwel applikazzjoni tiegħu għal pagament skont l-iskema ta’ pagament bażiku għandu jinkludi dettalji tal-kuntratt tal-kera li jindika l-klawżola kuntrattwali rilevanti u/jew, fejn mitlub mill-Istat Membru, kopja tal-imsemmi kuntratt ta’ kera. Applikazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi ppreżentata fl-istess sena li tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-allokazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament imsemmija fl- Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Notifiki għal trasferiment

1.   Fil-każ ta’ trasferiment skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, dak li jittrasferixxi jrid javża lill-awtorità kompetenti dwar it-trasferiment f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

2.   It-trasferiment għandu jseħħ kif stipulat fin-notifika sakemm l-awtorità kompetenti ma toġġezzjonax għat-trasferiment. L-awtorità kompetenti tista’ toġġezzjona biss għal trasferiment fejn it-trasferiment ma jkunx skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014 u dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lil dak li jittrasferixxi malajr kemm jista’ jkun dwar l-oġġezzjoni tagħha.

TAQSIMA 3

Riżervi nazzjonali jew reġjonali

Artikolu 9

Ritorn lura għar-riżerva nazzjonali jew reġjonali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 31(1)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minbarra f’każijiet ta’ force majeure jew ċirkustanzi eċċezzjonali, drittijiet għall-pagament mhux użati għandhom jitqiesu li jkunu treġġgħu lura fir-riżerva nazzjonali jew reġjonali l-għada tad-data finali stabbilita mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għall-emendar tal-applikazzjoni unika skont l-iskema ta’ pagament bażiku fis-sena kalendarja li fiha l-perjodu msemmi fl-Artikolu 31(1)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jiskadi.

2.   L-Istati Membri li japplikaw riżervi reġjonali bi qbil mal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom japplikaw ir-regoli dwar tat-treġġigħ lura ta’ drittijiet għall-pagament mhux użati fil-livell reġjonali.

KAPITOLU 3

EKOLOĠIZZAZZJONI

Artikolu 10

Proċedura għan-notifika u l-evalwazzjoni tal-prattiki inklużi fl-impenji speċifiċi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni

1.   In-notifiki msemmija fl-Artikolu 43(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom isiru sal-1 ta’ Awwissu 2014 fil-każ ta’ applikazzjoni fl-2015 jew sal-1 ta’ Lulju qabel is-sena ta’ applikazzjoni fil-każ tal-applikazzjoni wara l-2015.

Dawk in-notifiki jistgħu jiġu modifikati darba fis-sena, sakemm il-Kummissjoni tkun notifikata b’dan sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ qabel is-sena meta tiġi applikata l-modifika.

2.   Għall-impenji msemmija fl-Artikolu 43(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-notifiki lill-Kummissjoni għandhom jiddeskrivu b’mod ċar il-prattiki koperti mill-impenn u għandhom jindikaw liema prattiki msemmija fl-Artikolu 43(2) ta’ dak ir-Regolament huma ekwivalenti għalihom u b’liema mill-prattiki ekwivalenti elenkati fl-Anness IX ta’ dak ir-Regolament jitqiesu li huma koperti. Dawk in-notifiki għandhom jinkludu referenza għall-impenji rilevanti skont il-programm tal-iżvilupp rurali ippreżentat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew approvat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2009 (7).

3.   Għal skemi ta’ ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, in-notifiki lill-Kummissjoni għandhom jiddeskrivu b’mod ċar il-prattiki koperti mill-iskema ta’ ċertifikazzjoni u għandhom jindikaw liema prattiki msemmija fl-Artikolu 43(2) ta’ dak ir-Regolament huma ekwivalenti għalihom u liema minn dawn il-prattiki ekwivalenti elenkati fl-Anness IX ta’ dak ir-Regolament qed jitqiesu li qed ikopruhom.

4.   Meta l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni tikkonkludi li l-prattiki nnotifikati inklużi fl-impenji speċifiċi jew skemi ta’ ċertifikazzjoni mhumiex koperti mil-lista fl-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan fi żmien tliet xhur wara li tkun waslet in-notifika. L-Istat Membru jista’ jipprovdi informazzjoni supplimentari fi żmien xahar wara li tkun waslet l-informazzjoni tal-Kummissjoni. L-att ta’ implimentazzjoni previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 43(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandu jiġi adottat fi żmien seba’ xhur wara li tkun waslet in-notifika inizjali.

Artikolu 11

Limiti għaż-żamma ta’ bur permanenti f’termini assoluti

Il-limiti li jridu jintużaw għall-iskop tal-valutazzjoni taż-żamma ta’ bwar permanenti f’termini assoluti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 45(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom ikunu tnaqqis massimu ta’ 0,5 % taż-żoni ta’ bwar permanenti stabbiliti skont l-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament.

KAPITOLU 4

APPOĠĠ AKKOPPJAT

TAQSIMA 1

Appoġġ akkoppjat volontarju

Artikolu 12

Proċedura għall-evalwazzjoni u l-approvazzjoni ta’ deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 dwar il-konformità tagħhom ma’ dak ir-Regolament, b’mod partikolari biex tintwera waħda mill-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(1) tiegħu, u mar-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014.

Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru ma tippermettilhiex li tikkonkludi jekk il-kundizzjonijiet kif imsemmija fl-ewwel paragrafu humiex issodisfati jew le, hija għandha titlob lill-Istat Membru biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali jew biex jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li japprova jew jiċħad id-deċiżjoni ta’ Stat Membru fi żmien erba’ xhur minn meta tkun waslet l-informazzjoni kollha meħtieġa.

TAQSIMA 2

Pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton

Artikolu 13

Proċedura għall-awtorizzazzjoni tal-art u ta’ varjetajiet

Il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ art u ta’ varjetajiet għall-finijiet tal-pagament speċifiku għall-għelejjel tal-qoton li dwaru hemm dispożizzjoni fl-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandhom jitlestew sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena għall-istaġun taż-żriegħ ta’ dik is-sena.

Artikolu 14

Notifiki lill-produtturi

1.   Qabel l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil min ikabbar il-qoton bl-informazzjoni li ġejja għall-istaġun taż-żriegħ ta’ dik is-sena:

(a)

il-varjetajiet awtorizzati għaż-żrigħ;

(b)

il-kriterji għall-awtorizzazzjoni tal-art għall-produzzjoni tal-qoton kif stabbiliti minnhom skont l-Artikolu 56 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014;

(c)

id-densità minima tal-pjanti tal-qoton imsemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014;

(d)

il-prassi agronomiċi meħtieġa.

2.   Fejn l-awtorizzazzjoni ta’ varjetà tiġi rtirata, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-kabbara bl-irtirar qabel 1 ta’ Marzu għall-istaġun taż-żriegħ tas-sena ta’ wara.

KAPITOLU 5

REGOLI DWAR IN-NOTIFIKA

Artikolu 15

Notifiki fir-rigward tal-flessibbiltà bejn il-pilastri

1.   L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 136a(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (8) għandha tkun fil-forma ta’ perċentwali annwali tal-limiti massimi nazzjonali annwali msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 136a(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal kull sena kalendarja sal-2019.

2.   L-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 136a(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għandha tkun fil-forma ta’ perċentwali annwali tal-ammonti annwali allokati għal appoġġ għal miżuri fil-qafas tal-ipprogrammar għall-iżvilupp rurali msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-ewwel subparagrafu tal- Artikolu 136a(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għal kull sena finanzjarja sal-2020.

Artikolu 16

Notifika dwar iż-żieda tal-limitu massimu tal-iskema tal-pagament bażiku kif imsemmi fl-Artikolu 22(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

Fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 22(2) jew (3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għandha tikkonsisti f’perċentwali ta’ limiti massimi nazzjonali annwali stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament wara t-tnaqqis tal-ammont li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 47(1) ta’ dak ir-Regolament għal kull sena kalendarja sal-2020.

Artikolu 17

Allokazzjonijiet finanzjarji skont il-pagament distribwit mill-ġdid, il-pagament għal żoni li jinsabu taħt restrizzjonijiet naturali u l-pagament lill-bdiewa żgħażagħ

Fejn Stat Membru jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tiegħu skont l-Artikoli 42(1), 49(1) u 51(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-Kummissjoni għandha tikkonsisti f’perċentwali ta’ limiti massimi nazzjonali annwali stabbiliti fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament għal kull sena kalendarja sal-2020.

Artikolu 18

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 792/2009

In-notifiki lill-Kummissjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 639/2014 u dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament (KE) Nru 792/2009.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji wara s-sena kalendarja 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 ta’ tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta’ Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni (ara paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).