ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 159

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
28 ta' Mejju 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)

1

 

*

Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (ir-Regolament tal-IMI) ( 1 )

11

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni Nru 573/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) ( 1 )

32

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

40

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 574/2014 tal-21 ta' Frar 2014 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-mudell li għandu jintuża fit-tfassil ta' dikjarazzjoni tal-prestazzjoni dwar prodotti tal-bini

41

 

*

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 575/2014 tas-27 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi fir-rigward ta' liċenzji tas-sewqan li jinkludu mezzi għall-ħażna (mikroċipp) ( 1 )

47

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 576/2014 tas-27 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

50

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/302/UE

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/166/UE li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC

52

 

 

2014/303/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Frar 2014 dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u r-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern minn banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2014/8)

54

 

 

LINJI GWIDA

 

 

2014/304/UE

 

*

Linja Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-20 ta' Frar 2014 dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2014/9)

56

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/1


DIRETTIVA 2014/60/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (Riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

F'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE (2) ġiet emendata b'mod sostanzjali bid-Direttivi 96/100/KE (3) u 2001/38/KE (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Minħabba li għandhom isiru aktar emendi, għandha ssir riformulazzjoni tad-Direttiva msemmija għal raġunijiet ta' ċarezza.

(2)

Is-suq intern fih żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment ħieles tal-oġġetti, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat f'konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Skont l-Artikolu 36 TFUE, id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-moviment ħieles tal-oġġetti ma jxekklux il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fi transitu, iġġustifikati għal raġunijiet ta' protezzjoni tat-teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku.

(3)

Skont it-termini u fil-limiti tal-Artikolu 36 TFUE, l-Istati Membri iżommu d-dritt li jiddefinixxu t-teżori nazzjonali tagħhom u li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġuhom. Madankollu, l-Unjoni għandha rwol importanti fit-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-ħsieb li tipproteġi l-wirt kulturali ta' sinifikat Ewropew, li għalih jappartjenu tali teżori nazzjonali.

(4)

Id-Direttiva 93/7/KEE introduċiet arranġamenti li jippermettu li l-Istati Membri jassiguraw ir-ritorn fit-territorju tagħhom ta' oġġetti kulturali li huma klassifikati bħala teżori nazzjonali skont it-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE, li jaqgħu taħt il-kategoriji komuni tal-oġġetti kulturali msemmija fl-Anness għal dik id-Direttiva, u li kienu mneħħija mit-territorju tagħhom bi ksur tal-miżuri nazzjonali jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 (5). Dik id-Direttiva tkopri wkoll oġġetti kulturali klassifikati bħala teżori nazzjonali li huma parti integrali mill-kollezzjonijiet pubbliċi jew mill-inventarji tal-istituzzjonijiet ekkleżjastiċi li ma jidħlux f'dawk il-kategoriji komuni.

(5)

Id-Direttiva 93/7/KEE stabbiliet kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fir-rigward tat-teżori nazzjonali tagħhom, b'rabta mill-qrib mal-kooperazzjoni tagħhom mal-Interpol u korpi oħra kompetenti fil-kamp ta' xogħlijiet ta' arti misruqa u li jinvolvu b'mod partikolari ir-reġistrazzjoni, ta' oġġetti kulturali mitlufa, misruqa jew illegalment imneħħija li jagħmlu parti mit-teżori nazzjonali tagħhom u l-kollezzjonijiet pubbliċi tagħhom.

(6)

Il-proċedura prevista fid-Direttiva 93/7/KEE kienet l-ewwel pass fit-twaqqif ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam fil-kuntest tas-suq intern bil-għan ta' rikonoxximent reċiproku ulterjuri fil-liġijiet nazzjonali rilevanti.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 116/2009, flimkien mad-Direttiva 93/7/KEE, introduċa sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni ta' oġġetti kulturali tal-Istati Membri.

(8)

L-objettiv tad-Direttiva 93/7/KEE kien li jiġi żgurat ir-ritorn fiżiku ta' dawk l-oġġetti kulturali lill-Istat Membru li tneħħew b'mod illegali mit-territorju tiegħu irrispettivament mid-drittijiet ta' proprjetà li japplikaw għal oġġetti bħal dawn. Madankollu, l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva wriet il-limitazzjonijiet tal-arranġamenti għall-iżgurar tar-ritorn ta' tali oġġetti kulturali. Ir-rapporti dwar l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva ġibdu l-attenzjoni lejn l-applikazzjoni mhux frekwenti tagħha minħabba, b'mod partikolari, il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha, li rriżulta mill-kondizzjonijiet stabbiliti bl-Anness għal dik id-Direttiva, il-perijodu ta' żmien qasir mogħti biex jinbdew il-proċedimenti tar-ritorn u l-ispejjeż assoċjati mal-proċedimenti tar-ritorn.

(9)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandu jiġi estiż għal kwalunkwe oġġett kulturali klassifikat jew definit minn Stat Membru, taħt leġislazzjoni nazzjonali jew proċeduri amministrattivi bħala teżor nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE. Din id-Direttiva għandha tkun għalhekk qed tkopri oġġetti ta' interess storiku, paleontoloġiku, etnografiku, numismatiku jew ta' valur xjentifiku, irrilevanti minn jekk jagħmlux parti minn kollezzjoni pubblika jew kollezzjonijiet oħrajn jew humiex oġġetti singoli, u irrilevanti minn jekk hux ġejjin minn skavar regolari jew klandestin, dment li jkunu ġew klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali. Barra minn hekk, oġġetti kulturali li ġew klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali ma għandhomx jibqgħu jkollhom jappartjenu għal kategoriji jew jikkonformaw mal-limiti massimi relatati mal-età u/jew mal-valur finanzjarju biex jikkwalifikaw għar-ritorn taħt din id-Direttiva.

(10)

Id-diversità tal-arranġamenti nazzjonali għall-protezzjoni tat-teżori nazzjonali hija rikonoxxuta fl-Artikolu 36 TFUE. Sabiex titrawwem fiduċja reċiproka, rieda għall-kooperazzjoni u ftehim reċiproku bejn l-Istati Membri, il-kamp ta' applikazzjoni tat-terminu “teżor nazzjonali” għandu jiġi determinat, fil-qafas tal-Artikolu 36 TFUE. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ukoll ir-ritorn ta' oġġetti kulturali lill-Istat Membru li tneħħew illegalment mit-territorju tiegħu irrispettivament mid-data tal-adeżjoni ta' dak l-Istat Membru, u għandhom jiżguraw li r-ritorn ta' oġġetti bħal dawn ma jikkawżax spejjeż mhux raġonevoli. Għandu jkun possibbli għall-Istati Membri li jirritornaw oġġetti kulturali minbarra dawk klassifikati jew definitibħala teżori nazzjonali dment li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-TFUE, kif ukoll oġġetti kulturali li tneħħew illegalment qabel l-1 ta' Jannar 1993.

(11)

Jeħtieġ li tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri sabiex din id-Direttiva tkun tista' tiġi applikata b'mod aktar effettiv u uniformi. Għalhekk, l-awtoritajiet ċentrali għandhom jintalbu jikkooperaw b'mod effettiv ma' xulxin u jiskambjaw informazzjoni dwar it-tneħħija illegali ta' oġġetti kulturali permezz tal-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) prevista mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Sabiex itejbu l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandu jiġi stabbilit modulu tas-sistema IMI speċifikament maħsub għall-oġġetti kulturali. Hu tajjeb ukoll illi l-awtoritajiet kompetenti l-oħra tal-Istati Membri, fejn xieraq, jużaw l-istess sistema.

(12)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu konformi mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u, safejn huwa użat l-IMI, fir-Regolament (UE) Nru 1024/2012. Id-definizzjonijiet użati fid-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) għandhom japplikaw ukoll għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

(13)

Il-limitu ta' żmien biex jiġi vverifikat jekk l-oġġett kulturali misjub fi Stat Membru ieħor huwiex oġġett kulturali skont it-tifsira tad-Direttiva 93/7/KEE instab illi kien wisq qasir fil-prattika. Għalhekk, għandu jiġi estiż għal sitt xhur. Perijodu itwal għandu jippermetti lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippreservaw l-oġġett kulturali u, fejn xieraq, jipprevjeni kwalunkwe azzjoni bil-ħsieb li tiġi evitata l-proċeduri tar-ritorn.

(14)

Il-limitu ta' żmien għall-proċeduri tar-ritorn għandhom ukoll jiġu estiżi għal tliet snin wara li l-Istat Membru li mit-territorju tiegħu tneħħa b'mod illegali l-oġġett kulturali jkun sar jaf bil-post tal-oġġett kulturali u bl-identità ta' sidu jew ta' min qed iżommu. L-estensjoni ta' dan il-perijodu għandu jiffaċilita r-ritorn u jiskoraġġixxi t-tneħħija illegali tat-teżori nazzjonali. Għal raġunijiet ta' ċarezza, għandu jiġi stipulat li l-limitu ta' żmien għall-proċedimenti jibda mid-data meta l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tkun saret taf b'din l-informazzjoni dwar minn liema territorju l-oġġett kulturali jkun tneħħa illegalment.

(15)

Id-Direttiva 93/7/KEE tipprevedi li tali proċeduri ta' ritorn ma jistgħux jitressqu wara aktar minn 30 sena li l-oġġett tneħħa illegalment mit-territorju tal-Istat Membru. Madankollu, fil-każ ta' oġġetti li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet pubbliċi u oġġetti li jappartjenu għall-inventorji ta' istituzzjonijiet ekkleżjastiċi fl-Istati Membri fejn huma soġġetti għal arranġamenti ta' protezzjoni speċjali skont il-liġi nazzjonali, il-proċeduri ta' ritorn huma soġġetti għal limitu ta' żmien itwal f'ċerti ċirkostanzi. Minħabba l-fatt li l-Istati Membri jista' jkollhom arranġamenti ta' protezzjoni speċjali skont il-liġi nazzjonali ma' istituzzjonijiet reliġjużi li m'humiex ekkleżjastiċi, din id-Direttiva għandha tiġi estiża wkoll għal dawk l-istituzzjonijiet reliġjużi l-oħra.

(16)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità fir-rigward ta' beni kulturali adottati fit-13 u l-14 ta' Diċembru 2011, il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa li jieħu miżuri sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda tal-kriminalità fir-rigward ta' beni kulturali tkun aktar effettiva. Huwa rrakkomanda lill-Kummissjoni biex toffri l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri fil-protezzjoni b'mod effettiv tal-oġġetti kulturali bil-għan li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-traffikar tagħhom u jippromwovu miżuri kumplimentari, fejn xieraq. Barra minn hekk, il-Kunsill irrakkomanda li ll-Istati Membri jikkunsidraw ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Unesco dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali ffirmata f'Pariġi fis-17 ta' Novembru 1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT dwar l-Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment iffirmata f'Ruma fl-24 ta' Ġunju 1995.

(17)

Ikun tajjeb illi jiġi żgurat li dawk kollha involuti fis-suq iwettqu t-tranżazzjonijiet li jinvolvu oġġetti kulturali b'diliġenza u attenzjoni. Il-konsegwenzi ta' akkwist ta' oġġett kulturali b'oriġini illegali jkunu ġenwinament dissważivi biss jekk il-ħlas ta' kumpens jitlaqqa' mal-obbligu, għall-possessur, li dan jagħti prova ta' diliġenza u attenzjoni. Għaldaqstant, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Unjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' oġġetti kulturali, din id-Direttiva għandha tistipula li l-pussessur għandu jipprovdi prova li kien diliġenti u attent biex jikseb l-oġġett, għall-fini tal-kumpens.

(18)

Ikun utli għal kwalunkwe persuna, u b'mod partikolari dawk involuti fis-suq, ikollha aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika dwar l-oġġetti kulturali klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw l-aċċess għal din l-informazzjoni pubblika.

(19)

Sabiex tiġi ffaċilitata interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta' diliġenza u attenzjoni, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi kriterji mhux eżawstivi li għandhom jitqiesu biex jiddeterminaw jekk il-pussessur eżerċitax diliġenza u attenzjoni meta akkwista l-oġġett kulturali.

(20)

Ġaladarba l-objettiv ta' din id-Direttiva, prinċipalment biex ikun permess ir-ritorn ta'oġġetti kulturali klassifikati jew definiti bħala teżori nazzjonali li ġew imneħħija illegalment mit-territorju ta' Stati Membri, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tikseb dan l-objettiv.

(21)

Minħabba li l-kompiti tal-kumitat, stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 116/2009, ma baqgħux jgħoddu minħabba li tħassar l-Anness għad-Direttiva 93/7/KEE, ir-referenzi għall-Kumitat imsemmi għandhom jitħassru skont dan. Madankollu, sabiex tinżamm il-pjattaforma għall-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajbin dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twaqqaf grupp ta' esperti, magħmul minn esperti minn awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, li għandhom ikunu involuti, fost l-oħrajn, fil-proċess tal-ħolqien ta' modulu tas-sistema IMI maħsub apposta għall-oġġetti kulturali.

(22)

Minħabba li l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 fih lista ta' dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fl-atti tal-Unjoni li huma implimentati permezz tal-IMI, dak l-Anness għandu jiġi emendat sabiex jinkludi din id-Direttiva.

(23)

L-obbligu ta' traspożizzjoni ta' din id-Direttiva f'liġi nazzjonali għandu jkun limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrappreżentaw emenda sostanzjali meta mqabbel mad-Direttivi preċedenti. L-obbligu ta' traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jirriżulta mid-Direttiva preċedenti.

(24)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi indikati fl-Anness I, il-Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għar-ritorn tal-oġġetti kulturali klassifikati jew definiti minn Stat Membru bħala li jkunu fost it-teżori nazzjonali, kif imsemmi fil-punt (1) tal-Artikolu 2, li jkunu tneħħew b'mod illegali mit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“oġġett kulturali” tfisser oġġett li jkun klassifikat jew definit minn Stat Membru, qabel jew wara t-tneħħija illegali tiegħu mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, bħala parti mit-“teżori nazzjonali ta' valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku” fil-kuntest tal-leġislazzjoni nazzjonali jew tal-proċeduri amministrattivi skont it-tifsira tal-Artikolu 36 TFUE;

(2)

“imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru” tfisser:

(a)

imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru bi ksur tar-regoli tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni ta' teżori nazzjonali jew bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 116/2009; jew

(b)

mhux irritornat meta jagħlaq perijodu ta' tneħħija temporanja legali jew kwalunkwe ksur ta' kondizzjoni oħra li tirregola tali tneħħija temporanja;

(3)

“Stat Membru tat-talba” tfisser l-Istat Membru li jkun tneħħa illegalment oġġett kulturali mit-territorju tiegħu;

(4)

“Stat Membru mitlub” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-oġġett kulturali, li kien tneħħa illegalment mit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

(5)

“ritorn” tfisser ir-ritorn fiżiku tal-oġġett kulturali għat-territorju tal-Istat Membru tat-talba;

(6)

“possessur” tfisser il-persuna li fiżikament tkun qed iżżomm l-oġġett ta' kultura f'isimha;

(7)

“detentur” tfisser il-persuna li fiżikament tkun qed iżżomm l-oġġett kulturali f'isem partijiet terzi;

(8)

“kollezzjonijiet pubbliċi” tfisser kollezzjonijiet, definiti bħala pubbliċi skont il-leġislazzjoni ta' Stat Membru, li huma proprjetà ta' dak l-Istat Membru, ta' awtorità lokali jew dik reġjonali fi ħdan dak l-Istat Membru jew istituzzjoni li tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru sakemm dik l-istituzzjoni tkun il-proprjetà ta' dak l-Istat Membru jew ta' awtorità lokali jew reġjonali, jew tkun iffinanzjata b'mod sinifikanti, minn dak l-Istat Membru jew minn awtorità lokali jew waħda reġjonali.

Artikolu 3

Oġġetti kulturali li ġew imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru, għandhom ikunu rritornati b'mod konformi mal-proċedura u fiċ-ċirkostanzi li hemm ipprovduti f'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità ċentrali waħda jew aktar biex tagħmel ix-xogħol li hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet ċentrali li huma jaħtru skont dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawk l-awtoritajiet ċentrali u kull tibdil dwarhom fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

L-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw u jippromwovu l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri. Dawn tal-aħħar għandhom b'mod partikolari:

(1)

wara applikazzjoni minn Stat Membru tat-talba, jitfittex l-oġġett kulturali speċifiku li kien tneħħa illegalment mit-territorju tiegħu, u jiġi identifikat il-possessur u/jew id-detentur. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex titħaffef it-tiftix, b'referenza partikolari għal-lokalizzazzjoni vera jew preżunta tal-oġġett;

(2)

tgħarraf lill-Istat Membru konċernat, fejn oġġett kulturali jinstab fit-territorju tagħhom proprju u jekk hemm raġunijiet biżżejjed biex jitwemmen li kien tneħħa illegalment mit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

(3)

tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tat-talba li jivverifikaw li l-oġġett inkwistjoni huwa oġġett kulturali, kemm-il darba l-verifika ssir fi żmien sitt xhur min-notifika li hemm ipprovduta fil-punt (2). Jekk ma ssirx fil-perjodu ta' żmien stipulat, il-punti (4) u (5) m'għandhomx japplikaw iżjed;

(4)

tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa, b'kooperazzjoni mal-Istat Membru konċernat, għall-preservazzjoni fiżika tal-oġġett kulturali;

(5)

tipprevjeni, bil-miżuri interim meħtieġa, kull azzjoni biex tiġi evitata l-proċedura għar-ritorn;

(6)

taġixxi bħala intermedjarju bejn il-possessur u/jew id-detentur u l-Istat Membru tat-talba fir-rigward tar-ritorn. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel it-talba jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, l-ewwel iħaffu t-tħaddim ta' proċedura ta' arbitraġġ, b'mod konformi mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li lilu ssir t-talba u kemm-il darba l-Istat Membru li jagħmel it-talba u l-pussessur jew id-detentur tal-oġġett jagħtu l-approvazzjoni formali tagħhom.

Sabiex jikkooperaw u jikkonsultaw ma' xulxin, l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri għandhom jużaw modulu tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 speċifikament maħsuba għall-oġġetti kulturali. Huma jistgħu jużaw ukoll l-IMI biex ixerrdu informazzjoni rilevanti marbuta ma' każ partikolari dwar oġġetti kulturali li kienu nsterqu jew mneħħija b'mod illegali mit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-użu tal-IMI minn awtoritajiet kompetenti oħrajn għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 6

L-Istat Membru tat- talba jista' jibda, quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tat-talba, proċeduri kontra l-possessur jew, jekk mhux kontrih, kontra d-detentur, bl-iskop li jassigura r-ritorn ta' oġġett kulturali li kien imneħħi illegalment mit-territorju tiegħu.

Il-proċeduri jistgħu jitressqu biss fejn id-dokument li jibdihom ikollu miegħu:

(a)

dokument li jiddeskrivi l-oġġett kopert mit-talba u li jiddikjara li huwa oġġett kulturali;

(b)

dikjarazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tat-talba li l-oġġett kulturali tneħħa illegalment mit-territorju tiegħu.

Artikolu 7

L-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru tat-talba għandha minnufih tinforma lill-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru mitlub li nbdew proċeduri bil-għan li jkun assigurat ir-ritorn tal-oġġett inkwistjoni.

L-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru mitlub għandu minnufih jgħarraf lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħra.

L-iskambju tal-informazzjoni jsir bl-użu tal-IMI f'konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli dwar il-protezzjoni ta' data personali u l-privatezza, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-awtoritajiet ċentrali kompetenti li jużaw mezzi oħra ta' komunikazzjoni flimkien mal-IMI.

Artikolu 8

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li l-proċeduri għar-ritorn skont din id-Direttiva ma jistgħux jitressqu aktar minn tliet snin wara li l-awtorità ċentrali kompetenti tal-Istat Membru tat-talba ssir taf fejn jinsab l-oġġett kulturali u l-identità tal-possessur jew tad-detentur.

Madankollu, fi kwalunkwe każ, tali proċeduri, ma jistgħux jitressqu aktar minn 30 sena wara li l-oġġett ikun tneħħa illegalment mit-territorju tal-Istat Membru tat-talba.

Madankollu, fil-każ ta' oġġetti li jagħmlu parti minn kollezzjonijiet pubbliċi, definiti fil-punt (8) tal-Artikolu 2, u oġġetti li jappartjenu għal inventarji ta' istituzzjonijiet ekkleżjastiċi jew istituzzjonijiet reliġjużi oħra fl-Istati Membri fejn huma soġġetti għal arranġamenti ta' protezzjoni speċjali taħt il-liġi nazzjonali, il-proċeduri għar-ritorn għandhom ikunu soġġetti għal limitu ta' żmien ta' 75 sena, minbarra fi Stati Membri fejn il-proċedimenti mhumiex soġġetti għal limitu ta' żmien jew fil-każ ta' ftehim bilaterali bejn Stati Membri li jipprovdu għal perijodu li jeċċedi l-75 sena.

2.   Il-proċeduri għar-ritorn ma jistgħux jitressqu jekk it-tneħħija tal-oġġett kulturali mit-territorju nazzjonali tal-Istat Membru tat-talba ma tkunx aktar illegali fiż-żmien meta jinbdew.

Artikolu 9

Għajr jekk ipprovdut xort'oħra fl-Artikoli 8 u 14, il-qorti kompetenti għandha tordna r-ritorn tal-oġġett kulturali inkwistjoni fejn jinstab li huwa oġġett kulturali fil-kuntest tas-sinifikat tal-punt (1) tal-Artikolu 2 u li tneħħa illegalment minn territorju nazzjonali.

Artikolu 10

Fejn ir-ritorn ta' oġġett ikun ordnat, il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tat-talba għandha tagħti lill-possessur kumpens ġust konformi maċ-ċirkostanzi tal-każ, dment li l-possessur juri li huwa kien diliġenti u attent fil-ksib tal-oġġett.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-possessur użax id-diliġenza u l-attenzjoni meħtieġa, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-akkwist, b'mod partikolari d-dokumentazzjoni dwar l-oriġini tal-oġġett, l-awtorizzazzjonijiet għat-tneħħija mitluba skont il-liġi tal-Istat Membru tat-talba, il-karattru tal-partijiet, il-prezz imħallas, jekk il-possessur ikkonsultax kwalunkwe reġistru aċċessibbli ta' oġġetti kulturali misruqa u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra li setgħat inkisbet b'mod raġonevoli, jew ħax kwalunkwe pass ieħor li persuna raġonevoli kienet tieħu fl-istess ċirkustanzi.

Fil-każ ta' donazzjoni jew suċċessjoni, il-possessur m'għandux ikun f'pożizzjoni aktar vantaġġuża mill-persuna li mingħandha akkwista l-oġġett b'dawk il-modi.

L-Istat Membru tat-talba għandu jħallas dak il-kumpens simili mar-ritorn tal-oġġett.

Artikolu 11

Spejjeż li jirriżultaw minħabba l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li tordna r-ritorn ta' oġġett kulturali għandhom jitħallsu mill-Istat Membru tat-talba. L-istess jgħodd għall-ispejjeż tal-miżuri msemmija fil-punt (4) tal-Artikolu 5.

Artikolu 12

Il-ħlas ta' kumpens xieraq u tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikoli 10 u 11 rispettivament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istat Membru tat-talba li jieħu azzjoni bl-iskop li jirkupra dawk l-ammonti mill-persuni responsabbli għat-tneħħija illegali tal-oġġett kulturali mit-territorju tiegħu.

Artikolu 13

Il-pussess tal-oġġett kulturali wara r-ritorn għandu jkun irregolat mil-liġi tal-Istat Membru tat-talba.

Artikolu 14

Din id-Direttiva għandha tapplika biss għal oġġetti kulturali illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru nhar jew wara l-1 ta' Jannar 1993.

Artikolu 15

1.   Kull Stat Membru jista' japplika l-arranġamenti previsti f'din id-Direttiva biex jirritorna oġġetti kulturali oħra barra minn dawk definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2.

2.   Kull Stat Membru jista' japplika l-arranġamenti li hemm ipprovduti f'din id-Direttiva għal talbiet għar-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stati Membri oħra qabel l-1 ta' Jannar 1993.

Artikolu 16

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull proċeduri ċivili jew kriminali li jistgħu jitwettqu, taħt il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, mill-Istat Membru tat-talba u/jew is-sid ta' oġġett kulturali li jkun insteraq.

Artikolu 17

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2015 u kull ħames snin minn dakinhar, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2.   Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jeżamina mill-ġdid l-applikazzjoni u l-effettività ta' din id-Direttiva. Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat minn proposti xierqa.

Artikolu 18

Mal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, jiżdied il-punt 6 li ġej:

“8.

Id-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (*): Artikoli 5 u 7.

Artikolu 19

1.   Sat-18 ta' Diċembru 2015, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-punt (1) tal-Artikolu 2, il-punt (3) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(1), l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 u l-Artikolu 17(1) ta' din id-Direttiva.

Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza tali fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom jinkludu wkoll stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif issir din ir-referenza u kif tiġi fformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 20

Id-Direttiva 93/7/KEE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, il-Parti A, għandha titħassar mid-19 ta' Diċembru 2015, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, il-Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 21

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punti (2) u (8) tal-Artikolu 2, l-Artikoli 3 u 4, il-punti (1), (2) u (4) sa (6) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 7, l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9, it-tielet u r-raba' paragrafi tal-Artikolu 10, u l-Artikoli 11 sa 16 huma applikabbli mid-19 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 22

Id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE tal-15 ta' Marzu 1993 fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura illegalment imneħħija mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 74, 27.3.1993, p. 74).

(3)  Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 1997 li temenda l-Anness tad-Direttiva 93/7/KEE fuq ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura imneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 60, 1.3.1997, p. 59).

(4)  Id-Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE dwar ir-ritorn ta' oġġetti ta' kultura mneħħija b'mod illegali mit-territorju ta' Stat Membru (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 43).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali (ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(7)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 74).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

PARTI A

Id-Direttiva mħassra bil-lista tal-emendi suċċessivi tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE

(ĠU L 74, 27.3.1993, p. 74)

Direttiva 96/100/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 60, 1.3.1997, p. 59)

Direttiva 2001/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 187, 10.7.2001, p. 43)

PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 20)

Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

93/7/KEE

15.12.1993 (15.3.1994 għall-Belġju, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi)

96/100/KE

1.9.1997

2001/38/KE

31.12.2001


ANNESS II

Tabella ta' korrelazzjoni

Direttiva 93/7/KEE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1, punt (1), l-ewwel inċiż

Artikolu 2, punt (1)

Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, parti introduttorja,

Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, l-ewwel sub-inċiż, l-ewwel frażi

Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, l-ewwel sub-inċiż, it-tieni frażi

Artikolu 2, punt (8)

Artikolu 1, punt (1), it-tieni inċiż, it-tieni sub-inċiż

Artikolu 1, punt (2), l-ewwel inċiż

Artikolu 2, punt (2)(a)

Artikolu 1, punt (2), it-tieni inċiż

Artikolu 2, punt (2)(b)

Artikolu 1, punti (3) sa (7)

Artikolu 2, punti (3) sa (7)

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4, parti introduttorja

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, parti introduttorja

Artikolu 4, punti (1) u (2)

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punti (1) u (2)

Artikolu 4, punt (3)

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punt (3)

Artikolu 4, punti (4) sa (6)

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, punti (4) sa (6)

Artikolu 5, it-tieni paragrafu

Artikolu 5, l-ewwel paragrafu

Artikolu 6, l-ewwel paragrafu

Artikolu 5, it-tieni paragrafu, l-ewwel inċiż

Artikolu 6, it-tieni paragrafu, punt (a)

Artikolu 5, it-tieni paragrafu, it-tieni inċiż

Artikolu 6, it-tieni paragrafu, punt (b)

Artikolu 6, l-ewwel paragrafu

Artikolu 7, l-ewwel paragrafu

Artikolu 6, it-tieni paragrafu

Artikolu 7, it-tieni paragrafu

Artikolu 7, it-tielet paragrafu

Artikolu 7(1) u (2)

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9, l-ewwel paragrafu

Artikolu 10, l-ewwel paragrafu

Artikolu 9, it-tieni paragrafu

Artikolu 10, it-tieni paragrafu

Artikolu 9, it-tielet u r-raba' paragrafi

Artikolu 10, it-tielet u r-raba'paragrafi

Artikoli 10 to 15

Artikoli 11 to 16

Artikolu 16(1) u (2)

Artikolu 17, (1) u (2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 16(4)

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 19

Artikolu 22

Anness

Anness I

Anness II


28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/11


DIRETTIVA 2014/67/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 53(1) u l-Artikolu 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-prestazzjoni ta' servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern fl-Unjoni mnaqqxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-implimentazzjoni ta' dawk il-prinċipji hija żviluppata aktar mill-Unjoni bil-għan li jkunu ggarantiti kondizzjonijiet ekwi għan-negozju u rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema.

(2)

Il-libertà li jiġu pprovduti servizzi tinkludi d-dritt tal-impriżi li jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor, fejn jistgħu jistazzjonaw lill-ħaddiema tagħhom temporanjament sabiex jipprovdu dawk is-servizzi hemmhekk. Jeħtieġ, għall-fini tal-istazzjonament tal-ħaddiema, li din il-libertà tkun distinta mill-moviment liberu tal-ħaddiema, li jagħti lil kull ċittadin id-dritt li jmur liberament fi Stat Membru ieħor biex jaħdem u jirrisjedi hemm għal dak l-iskop u jipproteġih mid-diskriminazzjoni fir-rigward ta' impjieg, remunerazzjoni u kondizzjonijiet oħra tax-xogħol u l-impjieg meta mqabbla maċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

(3)

Fir-rigward ta' ħaddiema stazzjonati temporanjament sabiex iwettqu xogħol ħalli jipprovdu servizzi fi Stat Membru ieħor li mhux dak li normalment iwettqu xogħlhom fih, id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi nukleu ta' termini u kondizzjonijiet tal-impjieg definiti b'mod ċar li jeħtieġ li jiġu rispettati mill-fornitur ta' servizzi fl-Istat Membru li fih iseħħ l-istazzjonament biex jiġi żgurat il-ħarsien minimu tal-ħaddiema stazzjonati kkonċernati.

(4)

Il-miżuri kollha introdotti minn din id-Direttiva għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati sabiex ma joħolqux piżijiet amministrattivi jew ma jillimitawx il-potenzjal li l-impriżi, b'mod partikolari l-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs), għandhom biex joħolqu impjiegi ġodda, filwaqt li jipproteġu l-ħaddiema stazzjonati.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 96/71/KE, mingħajr ma jintefgħu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa fuq il-fornituri ta' servizzi, huwa essenzjali li l-elementi fattwali msemmija fid-dispożizzjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta' stazzjonament ġenwin u dwar il-prevenzjoni tal-abbuż u l-evażjoni tar-regoli f'din id-Direttiva jiġu meqjusa bħala indikattivi u mhux eżawrjenti. B'mod partikolari, m'għandux ikun hemm rekwiżit li jitlob li kull element għandu jkun issodisfat f'kull każ ta' stazzjonament.

(6)

Minkejja l-fatt li l-valutazzjoni tal-elementi fattwali indikattivi għandha tkun adottata għal kull każ speċifiku u tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni, is-sitwazzjonijiet li jirrapreżentaw l-istess elementi fattwali m'għandhomx iwasslu għal apprezzament jew valutazzjoni legali differenti mill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri differenti.

(7)

Sabiex jiġu pprevenuti, evitati u miġġielda l-abbuż u l-evażjoni tar-regoli applikabbli mill-impriżi li jieħdu vantaġġ b'mod mhux xieraq jew b'qerq mil-libertà ta' prestazzjoni ta' servizzi mnaqqxa fit-TFUE u/jew tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-kunċett ta' stazzjonament għandhom jitjiebu u għandhom jiġu introdotti fil-livell tal-Unjoni elementi aktar uniformi li jiffaċilitaw interpretazzjoni komuni.

(8)

Għalhekk, l-elementi fattwali kostitwenti li jikkaratterizzaw in-natura temporanja inerenti fil-kunċett ta' stazzjonament, u l-kondizzjoni li min jimpjega huwa ġenwinament stabbilit fl-Istat Membru li minnu joriġina l-istazzjonament, jeħtieġ li jkunu eżaminati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u, fejn meħtieġ, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru ta' stabbiliment.

(9)

Meta jitqies id-daqs tal-fatturat li jseħħ minn impriża fi Stat Membru ta' stabbiliment sabiex ikun determinat jekk dik l-impriża ġenwinament twettaqx attivitajiet sostanzjali, għajr ġestjoni purament interna u/jew attivitajiet amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu d-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist tal-muniti.

(10)

L-elementi stabbilit f'din id-Direttiva dwar l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' stazzjonament jistgħu wkoll jassistu l-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw ħaddiema dikjarati b'mod qarrieqi bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Skont id-Direttiva 96/71/KE, id-definizzjoni rilevanti ta' ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi stazzjonat il-ħaddiem. Kjarfika ulterjuri u monitoraġġ imtejjeb tal-istazzjonament mill-awtoritajiet kompetenti jista' jsaħħaħ iċ-ċertezza legali u jipprovdi għodda utli li tikkontribwixxi għall-ġlieda effettiva ta' impjieg indipendenti fittizju u tiżgura li l-ħaddiema stazzjonati ma jkunux dikjarati bħala li jaħdmu għal rashom b'mod qarrieqi, b'hekk tgħin biex timpedixxi, tevita u tiġġieled l-evażjoni tar-regoli applikabbli.

(11)

Fejn ma jkunx hemm sitwazzjoni ta' stazzjonament ġenwin u jinħoloq konflitt fil-liġijiet, għandha tingħata attenzjoni xierqa lid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“Ruma I”) jew il-Konvenzjoni ta' Ruma (6) li għandhom l-għan li jiżguraw li l-impjegati ma jkunux imċaħħda mill-protezzjoni mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet li ma jistgħux ikunu derogati minn ftehim jew li jistgħu jkunu derogati biss għall-benefiċċju tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm dispożizzjonijiet li jipproteġu b'mod xieraq lill-ħaddiema li ma jkunux stazzjonati b'mod ġenwin.

(12)

In-nuqqas ta' ċertifikat dwar il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli msemmija fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jistgħu jkunu indikazzjoni li s-sitwazzjoni m'għandhiex tkun karatterizzata bħala waħda ta' stazzjonament temporanju fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih il-ħaddiem ikkonċernat abitwalment jaħdem fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi.

(13)

Bħal fil-każ tad-Direttiva 96/71/KE, din id-Direttiva ma għandhiex tkun ta' preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(14)

Ir-rispett għad-diversità tas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali kif ukoll l-awtonomija tal-imsieħba soċjali hija espliċitament rikonoxxuta mit-TFUE.

(15)

F'ħafna Stati Membri, l-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fil-kuntest tal-istazzjonament tal-ħaddiema għall-prestazzjoni tas-servizzi billi huma jistgħu, b'konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, jiddeterminaw il-livelli differenti, b'mod alternattiv jew simultanju, tar-rati ta' pagi minimi applikabbli. L-imsieħba soċjali għandhom jikkomunikaw u jagħtu informazzjoni dwar dawk ir-rati.

(16)

L-Infurzar u l-implimentazzjoni adegwati u effettivi huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati u fl-iżgurar ta' kondizzjonijiet ugwali għall-fornituri ta' servizzi, filwaqt li infurzar dgħajjef ixekkel l-effettività tar-regoli tal-Unjoni applikabbli f'dan il-qasam. Kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u fejn rilevanti, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, hija għalhekk essenzjali, mingħajr ma jiġi njorat ir-rwol importanti tal-ispettorati tax-xogħol u l-imsieħba soċjali f'dan ir-rigward. Il-fiduċja reċiproka, l-ispirtu ta' kooperazzjoni, djalogu kontinwu u ftehim reċiproku huma essenzjali f'dan ir-rigward.

(17)

Proċeduri ta' monitoraġġ effettivi fl-Istati Membri huma essenzjali għat-tisħiħ tad-Direttiva 96/71/KE u ta' din id-Direttiva u għalhekk għandhom jiġu stabbiliti fl-Unjoni kollha.

(18)

Diffikultajiet fl-aċċess għall-informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg huma ħafna drabi r-raġuni li minħabba fiha regoli eżistenti mhumiex applikati mill-fornituri ta' servizz. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li din l-informazzjoni tkun disponibbli b'mod ġenerali, mingħajr ħlas u li aċċess effettiv għaliha jkun ipprovdut, mhux biss għal dawk li jipprovdu s-servizzi minn Stati Membri oħra, iżda wkoll għall-ħaddiema stazzjonati kkonċernati.

(19)

Fejn it-termini u l-kondizzjonijiet tal-impjieg jiġu stabbiliti fi ftehimiet kollettivi li ġew iddikjarati applikabbli b'mod universali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, filwaqt li jirrispettaw l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, li dawk il-ftehimiet kollettivi jkunu disponibbli b'mod ġenerali, aċċessibbli u trasparenti.

(20)

Sabiex titjieb l-aċċessibilità għall-informazzjoni, għandu jiġi stabbilit sors wieħed ta' informazzjoni fl-Istati Membri. Kull Stat Membru għandu jipprovdi websajt nazzjonali uffiċjali unika, skont l-istandards tal-aċċessibbiltà tal-web, u mezz xieraq ieħor ta' komunikazzjoni. Il-websajt nazzjonali uffiċjali unika għandha, bħala minimu, tkun fil-forma ta' portal tal-websajt u għandha sservi bħala l-passaġġ jew il-punt tad-dħul u għandha tipprovdi konnessjonijiet ċari u preċiżi għas-sorsi rilevanti tal-informazzjoni kif ukoll informazzjoni fil-qosor dwar il-kontenut tal-websajt u l-konnessjonijiet imsemmija fiha. Tali websajts għandhom jinkludu, b'mod partikolari, kwalunkwe websajt stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni bil-għan li tkun promossal-intraprenditorija u/jew l-iżvilupp tal-prestazzjoni tas-servizzi transkonfinali. Stati Membri ospitanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-perijodi stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom li permezz tagħhom il-fornituri ta' servizz jeħtieġ iżommu dokumenti wara l-perijodu ta' stazzjonament.

(21)

Ħaddiema stazzjonati għandu jkollhom id-dritt li jirċievu mill-Istat Membru ospitanti l-informazzjoni ġenerali dwar il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali li tkun applikabbli għalihom.

(22)

Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri għandha tkun konformi mar-regoli dwar il-protezzjoni ta' data personali stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u f'konformità mar-regoli nazzjonali tal-protezzjoni tad-data li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (IMI), għandha wkoll tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ġusta tar-regoli sostantivi dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg li jridu jiġu rrispettati fir-rigward tal-ħaddiema stazzjonati, u biex tiġi kkontrollata l-konformità magħhom, l-Istati Membri għandhom japplikaw biss ċerti rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll lill-impriżi li jistazzjonaw ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi. Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tali rekwiżiti u miżuri jistgħu jiġu ġġustifikati minn raġunijiet prevalenti ta' interess ġenerali, li jinkludu l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema, dment li huma xierqa biex jiżguraw il-kisba tal-objettiv mixtieq u ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb. Tali rekwiżiti u miżuri jistgħu jiġu imposti biss dment li l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iwettqu l-kompitu superviżorju tagħhom b'mod effettiv mingħajr l-informazzjoni mitluba u/jew miżuri anqas restrittivi ma jiżgurawx li l-objettivi tal-miżuri ta' kontroll nazzjonali meqjusa meħtieġa jintlaħqu.

(24)

Fornitur ta' servizz għandu jiżgura li l-identità tal-ħaddiema stazzjonati inkluża fid-dikjarazzjoni magħmula mill-fornitur ta' servizz sabiex ikunu possibbli kontrolli fattwali fil-post tax-xogħol tkun verifikabbli mill-awtoritajiet kompetenti għaż-żmien kollu tal-istazzjonament.

(25)

Fornitur tas-servizz stabbilit fi Stat Membru ieħor għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti mingħajr dewmien dwar kull bidla importanti li ssir lill-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni magħmula mill-fornitur ta' servizz sabiex ikun possibbli jsiru kontrolli fattwali fil-post tax-xogħol.

(26)

L-obbligu li jkunu komunikati rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll lill-Kummissjoni m'għandux jikkostitwixxi proċess ta' awtorizzazzjoni ex-ante.

(27)

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE kif ukoll l-infurzar tagħha fil-prattika, u biex jonqsu, kemm jista' jkun, id-differenzi fil-livell ta' applikazzjoni u infurzar mal-Unjoni kollha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitwettqu spezzjonijiet effettivi u adegwati fit-territorju tagħhom, b'hekk jikkontribwixxu, inter alia, għall-ġlieda kontra x-xogħol mhux dikjarat fil-kuntest tal-istazzjonament, filwaqt li jikkunsidraw ukoll inizjattivi legali oħra biex jindirizzaw aħjar din il-kwistjoni.

(28)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fejn applikabbli, bi qbil mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, l-impriża spezzjonata b'dokument ta' wara l-ispezzjoni jew ta' kontroll li jinkludi kull informazzjoni rilevanti bi qbil mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

(29)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm il-persunal meħtieġ bil-ħiliet u l-kwalifiki meħtieġa biex jagħmlu l-kontrolli effettivi u biex ikunu jistgħu jirrispondu mingħajr dewmien żejjed għal talbiet ta' informazzjoni, kif previst f'din id-Direttiva, mill-Istat Membru ospitanti jew mill-Istat Membru ta' stabbiliment.

(30)

L-ispettorati tax-xogħol, l-imsieħba soċjali u istituzzjonijiet oħra ta' monitoraġġ huma ta' importanza kbira f'dan ir-rigward u għandhom jibqgħu jkollhom rwol kruċjali.

(31)

Sabiex tiġi ttrattata b'mod flessibbli d-diversità tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali, bħala eċċezzjoni, il-maniġment u l-ħaddiema u/jew aġenti u/jew istituzzjonijiet oħrajn jistgħu jimmonitorjaw ċerti termini u kondizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema stazzjonati, sakemm huma joffru lill-persuni kkonċernati grad ekwivalenti ta' protezzjoni u jeżerċitaw il-monitoraġġ tagħhom b'mod mhux diskriminatorju u oġġettiv.

(32)

L-awtoritajiet ta' ispezzjoni tal-Istati Membri u korpi rilevanti oħra ta' monitoraġġ u infurzar għandhom jagħmlu użu mill-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni stipulati fil-liġi rilevanti biex jivverifikaw jekk ir-regoli applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati ġewx irrispettati.

(33)

L-Istati Membri huma b'mod partikolari mħeġġa jintroduċu approċċ iktar integrat għall-ispezzjonijiet tax-xogħol. Il-ħtieġa li jiġu żviluppati standards komuni sabiex jiġu stabbiliti metodi, prattiki u standards minimi komparabbli fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu eżaminati bl-istess mod. Madankollu, jeħtieġ li l-iżvilupp ta' standards komuni ma għandux iwassal biex l-Istati Membri jkunu mfixkla milli jiġġieldu b'mod effettiv kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

(34)

Biex jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE u tiġi żgurata applikazzjoni aktar effettiva tagħha, għandu jkun hemm mekkaniżmi effettivi ta' kwerela li permezz tagħhom il-ħaddiema stazzjonati jistgħu jressqu kwereli fi proċedimenti direttament jew, bl-approvazzjoni tagħhom, permezz ta' partijiet terzi nnominati rilevanti, bħal trejdjunjins jew assoċjazzjonijiet oħra kif ukoll istituzzjonijiet komuni ta' imsieħba soċjali. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali ta' proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża fil-qrati u għall-kompetenzi u drittijiet oħra ta' trejdjunjins u rappreżentanti oħra tal-impjegati skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali.

(35)

Għall-fini li jiġi żgurat li ħaddiem stazzjonat jirċievi l-paga ġusta u dment li l-konċessjonijiet speċifiċi għall-istazzjonar jistgħu jitqiesu parti mir-rati minimi tal-paga, dawn il-konċessjonijiet għandhom jitnaqqsu mill-pagi biss jekk il-liġi nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi u/jew il-prassi tal-Istat Membru ospitanti jipprevedu dan.

(36)

Il-konformità mar-regoli applikabbli fil-qasam tal-istazzjonament fil-prattika u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-ħaddiema f'dan ir-rigward hija ta' importanza partikolari fil-katini ta' subkuntrattar u għandha tiġi żgurata permezz ta' miżuri adatti f'konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali u f'konformita' mal-liġi tal-Unjoni. Tali miżuri jistgħu jinkludi l-introduzzjoni fuq bażi volontarja, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali rilevanti, ta' mekkaniżmu ta' responsabbiltà diretta tas-subkuntrattur, minbarra jew minflok ir-responsabbilità ta' min iħaddem, fir-rigward ta' kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti li tikkorrispondi mar-rati minimi ta' paga u/jew kontribuzzjonijiet dovuti lil fondi komuni jew istituzzjonijiet ta' imsieħba soċjali regolati bil-liġi jew bi ftehimiet kollettivi sakemm dawn ikunu koperti mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71/KE. Madankollu, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu regoli aktar stretti dwar ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali jew li jmorru lil hinn skont il-liġi nazzjonali fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata.

(37)

L-Istati Membri li introduċew miżuri biex jiżguraw konformità mar-regoli applikabbli fil-katini ta' subkuntrattar għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprevedu li (sub)kuntrattur m'għandux ikun responsabbli f'ċirkostanzi speċifiċi jew li r-responsabbiltà tagħhom tista' tkun limitata f'każijiet fejn il-miżuri ta' diliġenza meħtieġa jkunu ttieħdu minn dak il(is)-(sub)kuntrattur. Dawk il-miżuri għandhom jiġu definiti mil-liġi nazzjonali, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-Istat Membru kkonċernat, u jistgħu jinkludu fost l-oħrajn miżuri meħuda mill-kuntrattur fir-rigward tad-dokumentazzjoni tal-konformità ma' rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv tal-konformità mar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema.

(38)

Hija kwistjoni ta' tħassib li għad hemm ħafna diffikultajiet biex l-Istati Membri jirkupraw penali u/jew multi amministrattivi transkonfinali u għalhekk ir-rikonoxximent reċiproku tal-penali u/jew multi amministrattivi jeħtieġ ikunu indirizzati.

(39)

Id-diskrepanzi bejn is-sistemi tal-Istati Membri għall-infurzar ta' penali u/jew multi amministrattivi f'sitwazzjonijiet transkonfinali huma ta' preġudizzju għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern u hemm riskju li jkun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi żgurat li l-ħaddiema stazzjonati jgawdu minn livell ekwivalenti ta' protezzjoni mal-Unjoni kollha.

(40)

L-infurzar effettiv tar-regoli sostantivi li jirregolaw l-istazzjonament tal-ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi għandu jkun żgurat b'azzjoni speċifika li tiffoka fuq l-infurzar transkonfinali ta' penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji imposti. L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri f'dan il-qasam hija għalhekk prerekwiżit essenzjali sabiex jiġi żgurat livell ogħla, aktar ekwivalenti u komparabbli ta' protezzjoni għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern.

(41)

L-adozzjoni ta' regoli komuni li jipprovdu l-għajnuna u l-appoġġ reċiproċi speċifiċi li jridu jintużaw għal miżuri ta' infurzar u spejjeż assoċjati għal affarijiet bħal dawn, kif ukoll l-adozzjoni ta' rekwiżiti uniformi għan-notifika ta' deċiżjonijiet marbuta ma' penali u/jew multi amministrattivi imposti għan-nonosservanza tad-Direttiva 96/71/KE kif ukoll ta' din id-Direttiva, għandhom isolvu għadd ta' problemi ta' infurzar transkonfinali prattiċi u jiggarantixxu notifika aħjar u infurzar aħjar ta' deċiżjonijiet bħal dawn li jkunu ġejjin minn Stat Membru ieħor.

(42)

Jekk jirriżulta li l-fornitur ta' servizz mhuwiex fil-fatt stabbilit fl-Istat Membru ta' stabbiliment jew li l-indirizz jew id-data tal-kumpanija huma foloz, l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx iwaqqfu l-proċess fuq bażi formali iżda jinvestigaw aktar il-kwistjoni sabiex jistabbilixxu l-identità tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli għall-istazzjonament.

(43)

Ir-rikonoxximent ta' deċiżjonijiet li jimponu penali u/jew multa amministrattiva u t-talbiet biex tinġabar tali penali u/jew multa għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' fiduċja reċiproka. Għal dak il-għan, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent jew rifjut ta' rkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ.

(44)

Minkejja l-istabbiliment ta' regoli aktar uniformi fir-rigward tal-infurzar transkonfinali ta' penali u/jew multi amministrattivi u l-ħtieġa għal aktar kriteriji komuni għal proċeduri ta' segwitu aktar effettivi f'każ ta' nuqqas ta' ħlas tagħhom, dawn ma għandhomx jaffettwaw il-kompetenzi tal-Istati Membri biex jiddeterminaw is-sistema tagħhom ta' penali, sanzjonijiet u multi jew il-miżuri ta' rkupru disponibbli skont il-liġi nazzjonalitagħhom. Għaldaqstant, l-istrument li jippermetti l-infurzar jew l-eżekuzzjoni ta' tali penali u/jew multi jista', jekk adatt, u filwaqt li tiġi meqjusal-liġi nazzjonali u/jew il-prassi fl-Istat Membru mitlub, jiġi kompletat u akkumpanjat minn titolu, jew sostitwit bih, li jippermetti l-infurzar jew l-eżekuzzjoni tiegħu fl-Istat Membru mitlub.

(45)

Ir-regoli aktar uniformi ma għandux ikollhom l-effett li jemendaw jew jimmodifikaw l-obbligu għar-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-konvenuti kif ukoll il-prinċipji legali fundamentali li japplikaw għalihom kif imnaqqxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), bħad-dritt li jiġu mismugħa u d-dritt għal rimedju effettiv, id-dritt għal proċess ġust jew il-prinċipju “ne bis in idem”.

(46)

Din id-Direttiva ma għandhiex fil-mira tagħha li tistabbilixxi regoli armonizzati għall-kooperazzjoni ġudizzjarja, għall-ġuriżdizzjoni, jew ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' deċiżjonijiet fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, jew li tittratta l-liġi applikabbli.

(47)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adatti f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi stipulati f'din id-Direttiva, inklużi proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, u għandhom jipprovdu għal penali effettivi, dissważivi u proporzjonati għal kwalunkwe ksur tal-obbligi skont din id-Direttiva.

(48)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-protezzjoni ta' data personali (l-Artikolu 8), il-libertà tal-għażla ta' impjieg u d-dritt tax-xogħol, (l-Artikolu 15), il-libertà ta' tmexxija ta' negozju (l-Artikolu 16), id-dritt għan-negozjar u azzjoni kollettiva (l-Artikolu 28), kondizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti (l-Artikolu 31), id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47), il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-drittijiet tad-difiża (l-Artikolu 48) u d-dritt li ma tkunx ipproċessat darbtejn għall-istess reat (ne bis in idem) (l-Artikolu 50), u trid tiġi implimentata skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(49)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE, huwa adatt li tiġi prevista sistema ta' skambju ta' informazzjoni elettronika biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni amministrattiva u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-IMI kemm jista' jkun. Madankollu, dak m'għandux iżomm l-applikazzjoni ta' ftehimiet bilaterali eżistenti u futuri jew arranġamenti dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka.

(50)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jitwaqqaf qafas komuni ta' sett ta' dispożizzjonijiet xierqa, miżuri u mekkaniżmi ta' kontroll meħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE fil-prattika, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista' għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv,

(51)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u ta opinjoni fid-19 ta' Lulju 2012 (12),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' sett ta' dispożizzjonijiet xierqa, miżuri u mekkaniżmi ta' kontroll meħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aħjar u aktar uniformi tad-Direttiva 96/71/KE fil-prattika, inklużi miżuri ta' prevenzjoni u sanzjoni ta' abbuż u evażjoni tar-regoli applikabbli, u hi mingħajr preġudizzju għall-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE.

Din id-Direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi r-rispett għal livell xieraq ta' ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati għall-prestazzjoni transkonfinali ta' servizzi, b'mod partikolari l-infurzar tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg li japplikaw fl-Istat Membru fejn għandu jiġi provdut is-servizz skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE, filwaqt li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà ta' prestazzjoni tas-servizzi għal fornituri ta' servizz u b'hekk tappoġġa l-funzjonament tas-suq intern.

2.   Din id-Direttiva ma għandha taffettwa bl-ebda mod l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajk jew ta' azzjonijiet oħra koperti bis-sistemi speċifiċi ta' relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, f'konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali. Lanqas ma taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehimiet kollettivi u li jieħu azzjoni kollettiva f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità kompetenti” tfisser awtorita' jew korp, li jista' jinkludi l-uffiċċju/i ta' kollegament kif imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE, maħtura minn Stat Membru biex iwettqu l-funzjonijiet imniżżla fid-Direttiva 96/71/KE u f'din id-Direttiva;

(b)

“awtorità li tagħmel talba” tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li tagħmel talba għal għajnuna, informazzjoni, notifika jew irkupru ta' penali jew multa kif imsemmi fil-Kapitolu VI;

(c)

“awtorità li ssirilha t-talba” tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li lilha ssir talba għal għajnuna, informazzjoni, notifika jew irkupru ta' penali jew multa kif imsemmi fil-Kapitlu VI.

Artikolu 3

Awtoritajiet kompetenti u tal-uffiċċji ta' kollegament

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, f'konformità mal-liġi u/jew mal-prassi nazzjonali, jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar, li tista' tinkludi l-uffiċċju/i ta' kollegament imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE. Meta jkunu qed jaħtru l-awtoritajiet kompetenti tagħhom l-Istati Membri għandhom debitament iqisu l-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data ta' informazzjoni skambjata u d-drittijiet legali ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jistgħu jiġu affettwati. L-Istati Membri għandhom finalment jibqgħu inkarigati mis-salvagwardja tal-protezzjoni tad-data u d-drittjiet legali ta' persuni milquta u għandhom iwaqqfu mekkaniżmi adatti f'dan ir-rigward.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta' kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Il-Kummissjoni għandha tippubblika u taġġorna regolarment il-lista tal-awtoritajiet kompetenti u tal-uffiċċji ta' kollegament.

L-Istati Membri l-oħra u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jirrispettaw l-għażla ta' awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru.

Artikolu 4

Identifikazzjoni ta' stazzjonament ġenwin u l-prevenzjoni tal-abbuż u l-evażjoni tar-regoli

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu valutazzjoni ġenerali tal-elementi kollha fattwali li huma meqjusa neċessarji, inklużi, b'mod partikolari, dawk stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-elementi huma maħsuba biex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti meta jwettqu verifiki u kontrolli u meta jkollhom raġuni biex jemmnu li ħaddiem jista' ma jikkwalifikax għal ħaddiem stazzjonat skont id-Direttiva 96/71/KE. Dawk l-elementi huma fatturi indikattivi fl-evalwazzjoni komplessiva li għandha ssir u għalhekk ma għandhomx jitqiesu b'mod iżolat.

2.   Sabiex jiġi determinat jekk impriża twettaqx attivitajiet sostanzjali b'mod ġenwin, għajr attivitajiet biss ta' ġestjoni interni u/jew amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu valutazzjoni ġenerali tal-elementi kollha fattwali li jikkaratterizzaw dawk l-attivitajiet, filwqt li jqisu skadenza ta' żmien aktar wiesa', imwettqa minn impriża fl-Istat Membru ta' stabbiliment u, fejn neċessarju, fl-Istat Membru ospitanti. Dawn l-elementi jistgħu jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

il-post fejn l-impriża għandha l-uffiċċju rreġistrat u l-amministrazzjoni tagħha, tokkupa l-ispazju ta' uffiċċju, tħallas it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u, fejn ikun applikabbli, skont il-liġi nazzjonali għandha l-liċenzja professjonali jew hija rreġistrata mal-kamra tal-kummerċ jew entitajiet professjonali;

(b)

il-post fejn jiġu reklutati l-ħaddiema stazzjonati u li minnu jiġu stazzjonati;

(c)

il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-impriża mal-ħaddiema tagħha, minn naħa, u mal-klijenti tagħha, min-naħa l-oħra;

(d)

il-post fejn l-impriża twettaq l-attività sostanzjali ta' negozju tagħha u fejn timpjega persunal amministrattiv;

(e)

l-għadd ta' kuntratti mwettqa u/jew id-daqs ta' fatturat imwettaq fl-Istat Membru ta' stabbiliment, filwaqt li tiġi meqjusa s-sitwazzjoni speċifika ta' impriżi, fosthom, impriżi li għadhom kif ġew stabbiliti u SMEs.

3.   Sabiex issir evalwazzjoni ta' jekk ħaddiem stazzjonat temporanjament iwettaqx ix-xogħol tiegħu/tagħha fi Stat Membru li mhuwiex dak li fih normalment jaħdem/taħdem, l-elementi kollha fattwali li jikkaratterizzaw dan ix-xogħol u s-sitwazzjoni tal-ħaddiem għandhom jiġu eżaminati.Dawn l-elementi jistgħu jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

ix-xogħol li jitwettaq għal perijodu limitat ta' żmien fi Stat Membru ieħor;

(b)

id-data li fiha jibda l-istazzjonament;

(c)

l-istazzjonament iseħħ fi Stat Membru ieħor li mhux dak li fih jew li minnu l-ħaddiem stazzjonat normalment iwettaq ħidmietu skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) u/jew il-Konvenzjoni ta' Ruma;

(d)

il-ħaddiem stazzjonat imurx lura jew hux mistenni li jerġa' jibda jaħdem fl-Istat Membru mnejn ikun ġie stazzjonat wara tmiem ix-xogħol jew il-prestazzjoni ta' servizzi li minħabba fihom huwa kien stazzjonat;

(e)

in-natura tal-attivitajiet,

(f)

il-vjaġġ, l-ikel u l-alloġġ jew l-akkomodazzjoni humiex pprovduti jew hemmx rimborż għalihom minn min iħaddem u jistazzjona l-ħaddiem; u,jekk ikun il-każ, kif dan hu provdut u l-metodu ta' rimborż;

(g)

kwalunkwe,perijodu preċedenti li fih kien imtela l-post mill-istess ħaddiem jew minn ħaddiem ieħor (stazzjonat).

4.   In-nuqqas li jiġu ssodisfati wieħed jew aktar mill-elementi fattwali imniżżla fil-paragrafi 2 u 3 m'għandux jipprekludu b'mod awtomatiku sitwazzjoni milli tiġi karatterizzata bħala stazzjonament. Il-valutazzjoni ta' dawn l-elementi għandhom jiġu adottati għal kull każ speċifiku u għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni.

5.   L-elementi li huma msemmija f'dan l-Artikolu użati mill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni ġenerali ta' sitwazzjoni bħala stazzjonament ġenwin jistgħu wkoll jitqiesu sabiex jiddeterminaw jekk persuna taqax taħt id-definizzjoni applikabbli ta' ħaddiema bi qbil mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 96/71/KE. L-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati fost l-oħrajn mill-fatti relatati mal-prestazzjoni tax-xogħol, is-subordinazzjoni u r-remunerazzjoni tal-ħaddiem, irrispettivament minn kif ir-relazzjoni hi karatterizzata fi kwalunkwe arranġament, kemm jekk kuntrattwali jew jekk le, li jista' jkun maqbul bejn il-partijiet.

KAPITOLU II

AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI

Artikolu 5

Aċċess aħjar għall-informazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li l-informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE li jridu jiġu applikati u rrispettati minn min jipprovdi s-servizz hija magħmula disponibbli għal kulħadd bla ħlas b'mod ċar, trasparenti, komprensiv u aċċessibbli faċilment, anki mill-bogħod u b'mezzi elettroniċi, f'formati u skont standards ta' aċċessibilita' tal-web li jiżguraw aċċess għal persuni b'diżabilitajiet u li jiżguraw li l-uffiċċji ta' kollegament jew il-korpi nazzjonali l-oħrajn imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE jkunu f'qagħda li jwettqu ħidmiethom b'mod effettiv.

2.   Sabiex ikun hemm iktar titjib fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jindikaw b'mod ċar, iddettaljat u li jista' jintuża minn kulħadd mingħajr diffikultà u f'format aċċessibbli f'websajt nazzjonali uffiċjali unika u permezz ta' mezzi adegwati oħra, liema termini u kondizzjonijiet ta' impjieg u/jew liema partijiet tal-liġi nazzjonali u/jew reġjonali tagħhom għandhom jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom;

(b)

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-informazzjoni dwar liema ftehimiet kollettivi huma applikabbli u għal min huma applikabbli tkun disponibbli b'mod ġenerali fuq il-websajt nazzjonali uffiċjali unika u permezz ta' mezzi xierqa oħra, u liema termini u kondizzjonijiet ta' impjieg għandhom jiġu applikati minn dawk li jipprovdu s-servizz minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 96/71/KE, inkluż fejn ikun possibbli, konnessjonijiet għal siti elettroniċi eżistenti u punti ta' kuntatt oħra, b'mod partikolari l-imsieħba soċjali rilevanti;

(c)

jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-ħaddiema u għal dawk li jipprovdu s-servizz mingħajr ħlas fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti u fil-lingwi l-aktar rilevanti filwaqt li jqisu t-talbiet tas-suq tax-xogħol tiegħu, l-għażla tibqa' f'idejn l-Istat Membru ospitanti. Dik l-informazzjoni għandha tiġi magħmula disponibbli jekk huwa possibbli fi ktejjeb fil-qosor li jindika l-kondizzjonijiet ta' xogħol ewlenin applikabbli, inkluża d-deskrizzjoni tal-proċeduri biex jitressqu ilmenti u, fuq talbiet, f'formati aċċessibbli għal persuni b'diżabilitajiet; informazzjoni dettaljata oħra dwar kondizzjonijiet ta' impjieg u soċjali applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati, inklużi s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għandhom ikunu magħmula disponibbli faċilment u mingħajr ħlas;

(d)

itejbu l-aċċessibilità u ċ-ċarezza tal-informazzjoni rilevanti, b'mod partikolari dik ipprovduta fil-websajt nazzjonali uffiċjali unika msemmija fil-punt (a);

(e)

jindikaw persuna ta' kuntatt fl-uffiċċju ta' kollegament inkarigata li tittratta t-talbiet għall-informazzjoni;

(f)

iżommu l-informazzjoni pprovduta fid-dokumenti tal-pajjiż aġġornata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tkompli tappoġġa l-Istati Membri fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni.

4.   Fejn, skont il-liġi, it-tradizzjonijiet u l-prassi nazzjonali inkluż b'rispett sħiħ għall-awtonomija tal-imsieħba soċjali, it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE huma stabbiliti fi ftehimiet kollettivi skont l-Artikolu 3(1) u (8) ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-termini u l-kondizzjonijiet ikunu magħmula disponibbli b'mod aċċessibbli u trasparenti għal dawk li jipprovdu s-servizz minn Stati Membri oħra u għall-ħaddiema stazzjonati, u għandhom ifittxu li jinvolvu l-imsieħba soċjali f'dak ir-rigward. L-informazzjoni rilevanti għandha, b'mod partikolari, tkopri r-rati ta' pagi minimi differenti u l-elementi kostitwenti tagħhom, il-metodu użat għall-kalkolu tal-ħlas dovut u, fejn rilevanti, il-kriterji ta' kwalifika għall-klassifikazzjoni fil-kategoriji ta' paga differenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jindikaw il-korpi u l-awtoritajiet li jistgħu jipprovdu informazzjoni ġenerali lill-ħaddiema u l-impriżi dwar il-liġi u l-prassi nazzjonali applikabbli għalihom fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fit-territorju tagħhom.

KAPITOLU III

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 6

Għajnuna reċiproka — prinċipji ġenerali

1.   L-Istati Membri għandhom jaħdmu b'kooperazzjoni ma' xulxin mill-qrib u jipprovdu għajnuna reċiproka mingħajr dewmien biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar fil-prattika ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE.

2.   Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri għandha b'mod partikolari tikkonsisti fit-tweġib ta' talbiet ta' informazzjoni ġġustifikati mill-awtoritajiet kompetenti u fit-twettiq ta' verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet fir-rigward ta' sitwazzjonijiet ta' stazzjonament imsemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71/KE, inkluż l-investigazzjoni ta' kwalunkwe nuqqas ta' konformità jew abbuż ta' regoli applikabbli dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema. Talbiet għall-informazzjoni jinkludu informazzjoni rigward il-possibbiltà ta' rkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva, jew in-notifika ta' deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa kif msemmi fil-Kapitolu VI.

3.   Il-kooperazzjoni tal-Istati Membri tista' tinkludi wkoll li jibagħtu u jipprovdu notifika ta' dokumenti.

4.   Għall-fini li jwieġbu talba għal għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi stabbiliti fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom l-informazzjoni kollha meħtieġa għas-superviżjoni tal-attivitajiet tagħhom skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ li ma tkunx ġiet provduta tali informazzjoni.

5.   F'każ ta' diffikultà biex tiġi sodisfatta xi talba għal informazzjoni jew biex isiru verifiki, spezzjonijiet jew investigazzjonijiet, l-Istat Membru inkwistjoni għandu jgħarraf mingħajr dewmien lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba bil-għan li tinstab soluzzjoni.

Fil-każ ta' xi problemi persistenti fl-iskambju ta' informazzjoni jew rifjut permanenti li tingħata informazzjoni, il-Kummissjoni filwaqt li tkun infurmata, fejn rilevanti permezz tal-IMI, għandha tieħu miżuri xierqa.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn Stati Membri oħrajn jew mill-Kummissjoni b'mezzi elettroniċi fil-limiti ta' żmien li ġejjin:

(a)

f'każijiet urġenti li jitolbu konsultazzjoni ta' reġistri, bħal dawk dwar konferma tar-reġistrazzjoni tal-VAT għall-finijiet ta' kontroll ta' stabbiliment fi Stat Membru ieħor, malajr kemm jista' jkun u sa massimu ta' żewġ ġranet ta' xogħol minn meta jirċievu t-talba.

Ir-raġuni tal-urġenza għandha tkun indikata fit-talba, inklużi xi dettalji biex tiġi sostanzjata dik l-urġenza.

(b)

fit-talbiet l-oħra kollha għall-informazzjoni: sa massimu ta' 25 jum ta' xogħol minn meta tasal it-talba, sakemm limitu ta' żmien iqsar ma jiġix miftiehem bi qbil komuni bejn l-Istati Membri.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-reġistri fejn iddaħħlu l-fornituri ta' servizzi, u li jistgħu jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tagħhom, jistgħu wkoll ikunu kkonsultati, skont l-istess kondizzjonijiet, mill-awtoritajiet kompetenti ekwivalenti tal-Istati Membri l-oħrajn, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE, dment li dawn ir-reġistri jkunu elenkati mill-Istati Membri fl-IMI.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata mill-korpi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2 jew mibgħuta lilhom għandha tintuża biss fir-rigward tal-kwistjoni(jiet) li għaliha/hom tkun intalbet.

9.   Il-kooperazzjoni amministrattiva reċiproka u l-assistenza għandhom jingħataw bla ħlas.

10.   Talba għall-informazzjoni ma għandhiex tipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu miżuri bi qbil mal-liġi rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni biex jinvestigaw u jimpedixxu ksur allegat tad-Direttiva 96/71/KE jew ta' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Ir-Rwol tal-Istati Membri fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva

1.   Bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 96/71/KE, matul il-perijodu ta' stazzjonament ta' ħaddiem fi Stat Membru ieħor, l-ispezzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg li għandhom jiġu ssodisfati skont id-Direttiva 96/71/KE hija r-responsabilità tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti f'kooperazzjoni, fejn meħtieġ, ma' dawk tal-Istat Membru ta' stabbiliment.

2.   L-Istat Membru ta' stabbiliment tal-fornitur ta' servizzi għandu jkompli jimmonitorja, jikkontrolla, u jieħu l-miżuri meħtieġa ta' sorveljanza jew ta' infurzar, skont il-liġi, il-prassi u l-proċeduri amministrattivi nazzjonali, fir-rigward tal-ħaddiema stazzjonati fi Stat Membru ieħor.

3.   L-Istat Membru ta' stabbiliment tal-fornitur ta' servizzi għandu jgħin lill-Istat Membru fejn iseħħ l-istazzjonament biex jiżgura konformità mal-kondizzjonijiet applikabbli skont id-Direttiva 96/71/KE u din id-Direttiva. Dik ir-responsabbiltà ma għandha bl-ebda mod tnaqqas il-possibbiltajiet tal-Istat Membru li jkun twettaq l-istazzjonament fih biex jimmonitorja, jikkontrolla jew jieħu l-miżuri meħtieġa ta' sorveljanza jew infurzar f'konformità ma' din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE.

4.   Fejn ikun hemm fatti li jindikaw irregolaritajiet possibbli, Stat Membru għandu, fuq inizjattiva proprja, jikkomunika lill-Istat Membru kkonċernat kull informazzjoni rilevanti mingħajr telf ta' ħin.

5.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jitolbu ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment, fir-rigward ta' kull każ ta' servizzi pprovduti jew kull fornitur ta' servizzi, biex jipprovdu informazzjoni dwar il-legalità tal-istabbiliment tal-fornitur ta' servizzi, il-kondotta nadifa tal-fornitur ta' servizzi, u l-assenza ta' xi ksur tar-regoli applikabbli. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment għandhom jipprovdu din l-informazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.

6.   L-obbligi stabbiliti f'dan l-Artikolu ma għandhomx jirriżultaw fi dmir min-naħa tal-Istat Membru ta' stabbiliment li jwettaq verifiki u kontrolli fattwali fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti li fih jiġi provdut is-servizz. Dawn il-verifiki u kontrolli jistgħu, jekk ikun meħtieġ, jitwettqu mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti fuq l-inizjattiva tagħhom stess jew fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' stabbiliment, skont l-Artikolu 10 u f'konformità mas-setgħat ta' sorveljanza previsti fil-liġi, il-prassi u l-proċeduri nazzjonali amministrattivi tal-Istat Membru ospitanti u f'konformita' mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 8

Miżuri ta' akkumpanjament

1.   L-Istati Membri, bl-assistenza tal-Kummissjoni, għandhom jieħdu miżuri ta' akkumpanjament sabiex jiżviluppaw, jiffaċilitaw u jippromovu l-iskambju bejn l-uffiċjali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka, kif ukoll il-monitoraġġ tal-konformità u l-infurzar tar-regoli applikabbli. L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu miżuri ta' akkumpanjament biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-informazzjoni lill-ħaddiema stazzjonati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa għall-appoġġ finanzjarju sabiex ittejjeb aktar il-kooperazzjoni amministrattiva u żżid il-fiduċja reċiproka permezz ta' proġetti, inkluż billi tippromovi l- iskambji ta' uffiċjali rilevanti u t-taħriġ, kif ukoll tiżviluppa, tiffaċilita u ġġib 'il quddiem inizjattivi tal-aqwa prassi, inklużi dawk tal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, bħall-iżvilupp u l-aġġornament ta' bażijiet ta' data jew websajts konġunti li fihom informazzjoni ġenerali jew speċifika għal xi settur dwar termini u kondizzjonijiet ta' impjieg li jridu jiġu rispettati u l-ġabra u l-evalwazzjoni ta' data speċifika komprensiva għall-proċess ta' stazzjonament.

Fejn din tikkonkludi li teżisti tali ħtieġa, il-Kummissjoni għandha tuża, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-proċedura baġitarja, strumenti finanzjarji disponibbli bil-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva.

3.   Filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tal-imsieħba soċjali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiżguraw appoġġ adegwat għal inizjattivi rilevanti tal-imsieħbasoċjali fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali bil-għan li l-impriżi u l-ħaddiema jkunu infurmati dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg applikabbli stabbiliti f'din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ

Artikolu 9

Rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll

1.   L-Istati Membri jistgħu jimponu biss rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll meħtieġa sabiex jiżguraw monitoraġġ effettiv tal-konformità mal-obbligi stabbiliti f'din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE, dment li dawn ikunu ġustifikati u proporzjonati skont il-liġi tal-Unjoni.

Għal dawn il-finijiet l-Istati Membri jistgħu b'mod partikolari jimponu l-miżuri li ġejjin:

(a)

obbligu fuq fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor biex jagħmel dikjarazzjoni sempliċi lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali responsabbli mhux aktar tard minn meta tibda l-prestazzjoni tas-servizz, f'(waħda) mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f'lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru ospitanti, li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti meħtieġa sabiex tippermetti kontrolli fattwali fuq il-post tax-xogħol, inklużi:

(i)

l-identità tal-fornitur ta' servizz;

(ii)

l-għadd antiċipat ta' ħaddiema stazzjonati identifikabbli b'mod ċar;

(iii)

il-persuni msemmija taħt il-punti (e) u (f);

(iv)

kemm mistenni jdum, it-tbassir tad-data tal-bidu u tat-tmiem tal-istazzjonament;

(v)

l-indirizz(i) tal-post tax-xogħol; u

(vi)

in-natura tas-servizzi li jiġġustifikaw l-istazzjonament;

(b)

obbligu li jinżammu jew ikunu disponibbli u/jew ikunu fil-possess ta' kopji stampati jew b'forma elettronika tal-kuntratt ta' impjieg jew dokument ekwivalenti skont it-tifsira tad-Direttiva 91/533/KEE (13), inkluża, fejn xieraq jew rilevanti, l-informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva, riċevuti tal-paga, reġistri tal-ħinijiet li jindikaw il-bidu, it-tmiem u l-ħin totali tax-xogħol tal-ġurnata u prova ta' ħlas ta' pagi jew kopji ta' dokumenti ekwivalenti matul il-perijodu ta' stazzjonament f'post aċċessibbli u identifikat b'mod ċar fuq it-territorju tiegħu, bħall-post tax-xogħol jew il-post ta' kostruzzjoni, jew għall-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport il-bażi tal-operazzjonijiet jew il-vettura li biha jiġi pprovdut is-servizz;

(c)

obbligu li d-dokumenti msemmija taħt punt (b) jitwasslu, wara l-perijodu ta' stazzjonament, fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti, fi żmien perijodu ta' żmien raġonevoli;

(d)

obbligu li tiġi pprovduta traduzzjoni tad-dokumenti msemmija fil-punt (b) fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, jew f'lingwa jew lingwi oħra aċċettati mill-Istat Membru ospitanti;

(e)

obbligu li tinħatar persuna li tikkomunika mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti li fih qed jiġu pprovduti s-servizzi u, li tibgħat u tirċievi dokumenti u/jew avviżi, jekk ikun meħtieġ;

(f)

obbligu li tinħatar persuna ta' kuntatt, jekk ikun meħtieġ, li taġixxi bħala rappreżentant li permezz tagħha l-imsieħba soċjali rilevanti jistgħu jfittxu li jimpenjaw lill-fornitur ta' servizzi biex jidħol f'negozjar kollettiv fl-Istat Membru ospitanti, skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, matul il-perijodu li matulu jiġu pprovduti s-servizzi. Dik il-persuna tista' tkun persuna differenti mill-persuna msemmija fil-punt (e) u ma għandhiex għalfejn tkun preżenti fl-Istat Membru ospitanti, imma trid tkun disponibbli fuq talba motivata u ġustifikata;

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti amministrattivi u miżuri ta' kontroll oħrajn fil-każ fejn jinqalgħu sitwazzjonijiet jew żviluppi ġodda li għalihom ir-rekwiżiti amministrattivi u l-miżuri ta' kontroll eżistenti jidhru li mhumiex biżżejjed jew mhumiex effiċjenti sabiex jiżguraw monitoraġġ ta' konformità effettiv mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva 96/71/KE u f'din id-Direttiva, dment li dawn huma ġustifikati u proporzjonati.

3.   Xejn minn dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa obbligi oħra li ġejjin mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi dawk li ġejjin mid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (14) u r-Regolament (KE) Nru 883/2004, u/jew dawk taħt il-liġi nazzjonali dwar il-protezzjoni jew l-impjieg ta' ħaddiema dment li dawn tal-aħħar huma ugwalment applikabbli għal impriżi stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat u li huma ġustifikati u proporzjonati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-formalitajiet marbuta mal-istazzjonament tal-ħaddiema skont dan l-Artikolu jistgħu jitwettqu b'mod li jkun faċli għall-utent mill-impriżi, mill-bogħod u kemm jista' jkun b'mezzi elettroniċi.

5.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u jgħarrfu lill-fornituri ta' servizzi bi kwalunkwe miżura msemmija fil-paragrafi 1 u 2 li japplikaw jew li tkun ġiet implimentata minnhom. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawk il-miżuri lill-Istati Membri l-oħrajn. L-informazzjoni għall-fornituri ta' servizzi għandha tkun magħmula disponibbli b'mod ġenerali fuq sit tal-Internet nazzjonali wieħed fl-aktar lingwa/i rilevanti, kif determinat mill-Istat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 mill-qrib, tevalwa l-konformità tagħhom mal-liġi tal-Unjoni u għandha, fejn xieraq, tieħu l-miżuri meħtieġa skont il-kompetenzi tagħha skont it-TFUE.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar il-miżuri kkomunikati mill-Istati Membri u, fejn xieraq, dwar is-sitwazzjoni attwali tal-valutazzjoni u/jew analiżi tagħha.

Artikolu 10

Spezzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm verifiki u mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u effettivi previsti f'konformita' mal-liġi u l-prassi nazzjonali u li l-awtoritajiet maħtura taħt il-liġi nazzjonali jwettqu spezzjonijiet effettivi u adatti fit-territorju tagħhom sabiex jikkontrollaw u jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet u r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 96/71/KE, filwaqt li jqisu d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' din id-Direttiva u b'hekk jiggarantixxu l-applikazzjoni tajba u l-infurzar tagħhom. Irrispettivament mill-possibbiltà li jitwettqu kontrolli każwali, l-ispezzjonijiet għandhom jissejsu fuq evalwazzjoni tar-riskju mill-awtoritajiet kompetenti. L-evalwazzjoni tar-riskju tista' tidentifika s-setturi ta' attività li fihom l-impjieg tal-ħaddiema stazzjonati għall-prestazzjoni tas-servizzi huwa kkonċentrat fit-territorju tagħhom. Meta ssir tali evalwazzjoni tar-riskju, it-twettiq ta' proġetti infrastrutturali kbar, l-eżistenza ta' sekwenzi twal ta' sottokuntratturi, il-prossimità ġeografika, il-problemi speċjali u l-ħtiġijiet ta' setturi speċifiċi, ksur tal-liġi fil-passat, kif ukoll il-vulnerabbiltà ta' ċerti gruppi ta' ħaddiema jistgħu, b'mod partikolari, jiġu kkunsidrati.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjonijiet u l-kontrolli ta' konformità skont dan l-Artikolu ma jkunux diskriminatorji u/jew sproporzjonati, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

3.   Jekk tintalab xi informazzjoni matul l-ispezzjonijiet u fid-dawl tal-Artikolu 4, l-Istat Membru ospitanti u l-Istat Membru ta' stabbiliment għandhom jaġixxu skont ir-regoli dwar il-kooperazzjoni amministrattiva. B'mod partikolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw skont ir-regoli u l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 6 u 7.

4.   Fl-Istati Membri fejn, skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, it-twaqqif tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema stazzjonati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE, u b'mod partikolari r-rati minimi ta' paga, inkluż il-ħin tax-xogħol, jitħalla f'idejn il-maniġment u l-ħaddiema huma jistgħu, fil-livell xieraq u suġġett għall-kondizzjonijiet stipulati mill-Istati Membri, jimmonitorjaw l-applikazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg rilevanti tal-ħaddiema stazzjonati kemm-il darba livell xieraq ta' ħarsien ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-Direttiva 96/71/KE u din id-Direttiva jiġi ggarantit.

5.   L-Istati Membri fejn l-ispettorati tax-xogħol ma għandhomx kompetenza fir-rigward tal-kontroll u l-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema stazzjonati jistgħu, f'konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, jistabbilixxu, jimmodifikaw jew iżommu arranġamenti li jiggarantixxu r-rispett ta' dawn it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg, dment li l-arranġamenti joffru lill-persuni kkonċernati grad adegwat ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta mid-Direttiva 96/71/KE u din id-Direttiva.

KAPITOLU V

L-INFURZAR

Artikolu 11

Difiża tad-drittijiet — faċilitar ta' ilmenti — ħlasijiet b'lura

1.   Għall-infurzar tal-obbligi skont id-Direttiva 96/71/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, u din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm mekkaniżmi effettivi li permezz tagħhom il-ħaddiema stazzjonati jistgħu jressqu l-ilmenti direttament kontra dawk li jimpjegawhom, kif ukoll id-dritt li jibdew proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi, ukoll fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jew kienu stazzjonati l-ħaddiema, fej tali ħaddiema jikkunsidraw li ġarrbu telf jew dannu bħala riżultat ta' nuqqas ta' applikazzjoni tar-regoli, anke wara li tkun spiċċat ir-relazzjoni li fiha jiġi allegat li sar in-nuqqas.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-ġuriżdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri kif stabbilit, b'mod partikolari, fl-istrumenti rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u/jew il-konvenzjonijiet internazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trejdjunjins u partijiet terzi oħrajn, bħal assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet legali oħra li għandhom, skont il-kriterji stabbiliti taħt il-liġi nazzjonali tagħhom, interess leġittimu li jiżguraw li din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE jiġu osservati, jistgħu jkunu involuti, għan-nom jew b'sostenn tal-ħaddiema stazzjonati jew ta' min jimpjegahom, u bl-approvazzjoni tagħhom, f'kull proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv, bl-objettiv ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE u/jew l-infurzar tal-obbligi skont din id-Direttiva u d-Direttiva 96/71/KE.

4.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal:

(a)

regoli nazzjonali dwar skadenzi ta' preskrizzjoni jew limiti ta' żmien biex iressqu azzjonijiet bħal dawn, sakemm huma ma jkunux meqjusa li jistgħu jagħmlu virtwalment impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta' dawk id-drittijiet;

(b)

kompetenzi oħrajn u drittijiet kollettivi ta' imsieħba soċjali, impjegati u rappreżentanti ta' min iħaddem, fejn applikabbli, skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali;

(c)

regoli nazzjonali ta' proċedura dwar ir-rappreżentanza u d-difiża fil-qrati.

5.   Ħaddiema stazzjonati li jressqu proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi skont it-tifsira tal-paragrafu 1 għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe trattament mhux favorevoli minn min iħaddimhom.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li min jimpjega l-ħaddiem stazzjona huwa responsabbli għal kwalunkwe intitolament dovut li jirriżulta mir-relazzjoni kuntrattwali bejn min iħaddem u dak il-ħaddiem stazzjonat.

L-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jiżguraw li jkun hemm il-mekkaniżmi meħtieġa biex ikun żgurat li l-ħaddiema stazzjonati jkunu jistgħu jirċievu:

(a)

kull remunerazzjoni netta mhux imħallsa li skont it-termini u l-kondizzjonijiet applikabbli ta' impjieg koperti bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE kellha tkun dovuta;

(b)

kwalunkwe ħlas b'lura ta' remunerazzjoni mhux imħallsa jew rimborż ta' taxxi jew kontribuzzjoni ta' sigurtà soċjali miżmuma b'mod mhux dovut mis-salarji tagħhom;

(c)

rimborż ta' spejjeż eċċessivi, fir-rigward tar-remunerazzjoni netta jew il-kwalità tal-akkomodazzjoni, miżmuma jew imnaqqsa mill-pagi għall-akkomodazzjoni pprovduta minn min iħaddem.

(d)

fejn rilevanti, il-kontribuzzjonijiet ta' min iħaddem minħabba fondi komuni jew istituzzjonijiet tal-imsieħba soċjali, miżmuma mingħajr ħtieġa mis-salarji tagħhom.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll f'każijiet fejn il-ħaddiema stazzjonati reġgħu lura mill-Istat Membru li fih seħħ l-istazzjonament.

Artikolu 12

Ir-Responsabbiltà tas-Subkuntrattar

1.   Sabiex jindirizzaw il-frodi u l-abbuż, l-Istati Membru jistgħu, wara li jikkonsultawil-imsieħba soċjali rilevanti, f'konformità mal-liġi u/jew il-prassi nazzjonali, jieħdu miżuri addizzjonali fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata sabiex jiżguraw li fil-katini ta' subkuntrattar il-kuntrattur li tiegħu min jimpjega/fornitur ta' servizzi kopert mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71/KE huwa subkuntrattur dirett tiegħu jista', flimkien ma' min iħaddem jew minfloku, jinżamm responsabbli mill-ħaddiem stazzjonat fir-rigward ta' kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti li tikkorrispondi għar-rati minimi ta' paga u/jew kontribuzzjonijiet dovuti lill-fondi komuni jew istituzzjonijiet tal-imsieħba soċjali sakemm dawn huma koperti mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE.

2.   Rigward l-attivitajiet imsemmijin fl-Anness għad-Direttiva 96/71/KE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu miżuri li jiżguraw li fil-katini ta' subkuntrattar, il-ħaddiema stazzjonati jkunu jistgħu jżommu responsabbli lill-kuntrattur li min iħaddem huwa subkuntrattur dirett tiegħu, flimkien ma' min iħaddem jew minfloku, għar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati msemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Ir-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun limitata għad-drittijiet tal-ħaddiema li nkisbu skont ir-relazzjoni kontrattwali bejn il-kuntrattur u s-subkuntratturi tiegħu.

4.   L-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jipprevedu b'mod ugwali regoli dwar ir-responsabbiltà aktar strinġenti skont il-liġi nazzjonali fuq bażi mhux diskriminatorja u proporzjonata fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-firxa tar-responsabbiltà tas-subkuntrattar. L-Istati Membri jistgħu wkoll, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, jipprevedu responsabbiltà bħal din fis-setturi li mhumiex dawk imsemmijin fl-Anness għad-Direttiva 96/71/KE.

5.   L-Istati Membri jistgħu fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 4 jipprevedu li kuntrattur li jkun wettaq obbligi ta' diliġenza dovuta kif definit mil-liġi nazzjonali ma għandux jinżamm responsabbli.

6.   Minflok ir-regoli dwar ir-responsabbiltà msemmijin fil-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa ta' infurzar oħrajn, f'konformità mal-liġi u/jew il-prassi tal-Unjoni u nazzjonali, li jippermettu, f'relazzjoni subkuntrattwali diretta, sanzjonijiet effettivi u proporzjonati kontra l-kuntrattur, biex jindirizzaw il-frodi u l-abbuż f'sitwazzjonijiet meta l-ħaddiema jkollhom diffikultajiet biex jiksbu d-drittijiet tagħhom.

7.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu skont dan l-Artikolu u għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli b'mod ġenerali fl-aktar lingwa/i rilevanti, bl-għażla titħalla f'idejn l-Istat Membru.

Fil-każ tal-paragrafu 2, l-informazzjoni provduta lill-Kummissjoni għandha tinkludi l-elementi li jistabbilixxu responsabbiltà fil-ktajjen ta' subkuntrattar.

Fil-każ tal-paragrafu 6, l-informazzjoni provduta lill-Kummissjoni għandha tinkludi l-elementi li jistabbilixxu l-effettività tal-miżuri nazzjonali alternattivi fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà msemmijin fil-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn.

8.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU VI

INFURZAR TRANSKONFINALI TA' PENALI U/JEW MULTI AMMINISTRATTIVI FINANZJARJI

Artikolu 13

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma previsti jew li jistgħu jkunu previsti f'leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni, il-prinċipji ta' assistenza reċiproka u għarfien reċiproku, kif ukoll il-miżuri u l-proċeduri previsti f'dan il-Kapitolu għandhom japplikaw għall-infurzar transkonfinali ta' penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji imposti fuq fornitur ta' servizzi stabbilit fi Stat Membru, għal nuqqas ta' konformità mar-regoli applikabbli dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fi Stat Membru ieħor.

2.   Dan il-Kapitolu għandu japplika għal penali u/jew multi amministrattivi finanzjarji, inklużi tariffi u soprataxxi, imposti mill-awtoritajiet kompetenti jew ikkonfermati minn korpi amministrattivi jew ġudizzjarji jew, fejn applikabbli, li jirriżultaw minn tribunali industrijali, marbuta man-nonosservanza tad-Direttiva 96/71/KE jew din id-Direttiva.

Dan il-Kapitlu ma għandux japplika għall-infurzar ta' penali li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI (15), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 (16) jew id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE (17).

Artikolu 14

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni permezz tal-IMI dwar liema awtorità jew awtoritajiet, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti għall-fini ta' dan il-Kapitolu. L-Istati Membri jistgħu jaħtru, jekk ikun meħtieġ bħala riżultat tal-organizzazzjoni tas-sistemi interni tagħhom, awtorità ċentrali waħda jew aktar responsabbli mit-trażmissjoni amministrattiva u r-riċeviment ta' talbiet u biex jassistu awtoritajiet rilevanti oħra.

Artikolu 15

Prinċipji ġenerali — għajnuna reċiproka u rikonoxximent

1.   Fuq it-talba tal-awtorità li tagħmel it-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha, soġġett għall-Artikoli 16 u 17:

(a)

tirkupra penali u/jew multa amministrattiva li tkun ġiet imposta, skont il-liġijiet u l-proċeduri tal-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, minn -awtorita' kompetenti jew ikkonfermata minn korp amministrattiv jew ġudizzjarju jew, fejn applikabbli, minn tribunali industrijali u li mhijiex soġġetta għal appell ulterjuri, jew

(b)

tinnotifika deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa.

Barra dan, l-awtorita' li ssirilha t-talba għandha tinnotifika kwalunkwe dokument ieħor rilevanti marbut mal-irkupru ta' tali penali u/jew multa, inkluża s-sentenza jew id-deċiżjoni finali, li tista' tkun fil-forma ta' kopja ċertifikata, li tikkostitwixxi l-bażi legali u t-titolu għall-eżekuzzjoni tat-talba għall-irkupru.

2.   L-awtorità li tagħmel it-talba għandha tiżgura li t-talba għall-irkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva jew in-notifika ta' deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa ssir skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prassi amministrattiva fis-seħħ f'dak l-Istat Membru.

Tali talba għandha ssir biss meta l-awtorità li tagħmel it-talba ma tkunx tista' tirkupra jew tinnotifika f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prassi amministrattivi tagħha.

L-awtorità li tagħmel it-talba ma għandhiex tagħmel talba għall-irkupru ta' piena u/jew multa amministrattiva jew notifika ta' deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa jekk u dment li l-penali u/jew il-multa amministrattiva, kif ukoll it-talba sottostanti u/jew l-istrument li jippermetti l-infurzar tagħha fl-Istat Membru li jagħmel it-talba, huma kkontestati jew irrikużati f'dak l-Istat Membru.

3.   L-awtorità kompetenti li tintalab tirkupra penali u/jew multa amministrattiva jew li jinnotifika deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa li ġiet trażmessa f'konformità ma' dan il-Kapitolu u l-Artikolu 21, għandha tirrikonoxxiha mingħajr ma tintalab ebda formalità ulterjuri u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tagħha, sakemm l-awtorita' li ssirilha t-talba ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal rifjut prevista fl-Artikolu 17.

4.   Għall-fini tal-irkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva jew in-notifika ta' deċiżjoni li timponi tali penali u/jew multa, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha taġixxi f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-prassi amministrattivi nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru li ssirlu t-talba li japplikaw għall-istess ksur jew deċiżjoni jew, fin-nuqqas ta' dawn, ksur jew deċiżjoni simili.

In-notifika ta' deċiżjoni li timponi penali u/jew multa amministrattiva mill-awtorità li ssirilha t-talba u t-talba għall-irkupru għandha, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prassi amministrattivi nazzjonali tal-Istat Membru li ssirlu t-talba, titqies li jkollha l-istess effett daqs li kieku saret mill-Istat Membru li għamel it-talba.

Artikolu 16

Talba għal irkupru jew notifika

1.   It-talba tal-awtorità li tagħmel it-talba għall-irkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva kif ukoll in-notifika ta' deċiżjoni dwar tali penali u/jew multa għandha ssir mingħajr dewmien bla ħtieġa permezz ta' strument uniformi u għandha tal-anqas tindika:

(a)

l-isem u l-indirizz magħruf tad-destinatarju, u kull data rilevanti jew informazzjoni għall-identifikazzjoni tad-destinatarju,

(b)

sommarju tal-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-ksur, in-natura tar-reat u r-regoli applikabbli rilevanti;

(c)

l-istrument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru li jagħmel it-talba u kull informazzjoni jew dokument rilevanti, inklużi dawk ta' natura ġuridika, li jikkonċernaw it-talba, il-penali u/jew multa amministrattiva sottostanti; kif ukoll

(d)

l-isem, l-indirizz u dettalji oħra ta' kuntatt dwar l-awtorità kompetenti responsabbli għall-evalwazzjoni tal-penali u/jew multa, u, jekk din tkun differenti, l-entità kompetenti fejn tista' tinkiseb aktar informazzjoni dwar il-penali u/jew multa jew il-possibilitajiet ta' kontestazzjoni tal-obbligu tal-ħlas jew tad-deċiżjoni li timponiha.

2.   Barra minn dak li ġie stipulat fil-paragrafu 1, it-talba għandha tindika:

(a)

fil-każ ta' notifika ta' deċiżjoni, l-għan tan-notifika u l-perijodu li fih għandha tiġi effettwata;

(b)

fil-każ ta' talba għall-irkupru, id-data meta s-sentenza jew deċiżjoni saret infurzabbli jew finali, deskrizzjoni tan-natura u l-ammont tal-penali u/jew multa amministrattiva, kwalunkwe dati ta' rilevanza għall-proċess tal-infurzar, inkluż jekk, u jekk ikun il-każ kif, id-deċiżjoni jew sentenza tkun ġiet notifikata lill-konvenut(i) u/jew jekk ingħatatx fil-kontumaċja, konferma mill-awtorità li tagħmel it-talba li l-penali u/jew multa ma tkunx soġġetta għall-ebda appell sussegwenti, u l-pretensjoni sottostanti li dwarha ssir it-talba, u l-komponenti differenti tagħha.

3.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tieħu l-passi meħtieġa kollha biex tinnotifika lill-fornitur tas-servizzi dwar it-talba għall-irkupru jew dwar id-deċiżjoni li timponi penali u/jew multa amministrattiva u dwar id-dokumenti rilevanti, fejn ikun meħtieġ, skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali tagħha malajr kemm jista' jkun, u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tkun ġiet riċevuta t-talba.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha malajr kemm jista' jkun tinforma lill-awtorità li tagħmel it-talba dwar:

(a)

l-azzjoni meħuda rigward it-talba tagħha għal irkupru u notifika u, aktar speċifikament, tad-data li fiha l-indirizzat kien notifikat;

(b)

ir-raġunijiet għar-rifjut, fil-każ li tirrifjuta li twettaq it-talba għall-irkupru ta' penali u/jew multa amministrattiva jew li tinnotifika deċiżjoni li timponi penali u/jew multa amministrattiva f'konformità mal-Artikolu 17.

Artikolu 17

Raġunijiet għal rifjut

L-awtoritajiet li ssirilhom it-talba m'għandhomx ikunu obbligati jwettqu t-talba għal irkupru jew notifika jekk it-talba ma jkunx fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(1) u (2), jew ma tkunx kompluta jew li manifestament ma tikkorrispondix mad-deċiżjoni sottostanti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet li ssirilhom it-talba jistgħu jirrifjutaw li jwettqu talba għal irkupru fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

b'segwitu tal-mistoqsijiet magħmula mill-awtorità li ssirilha t-talba huwa ovvju li l-ispejjeż previsti u/jew ir-riżorsi meħtieġa għall-irkupru tal-penaliu/jew multa amministrattiva huma sproporzjonati fir-rigward tal-ammont li għandu jiġi rkuprat jew jagħtu lok għal diffikultajiet sinifikanti;

(b)

il-penali u/jew multa finanzjarja ġenerali hija anqas minn EUR 350 jew l-ekwivalent ta' dak l-ammont;

(c)

id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-konvenuti u l-prinċipji legali li japplikaw għalihom, kif stabbiliti fil-Kostituzzjoni tal-Istat Membru li ssirlu t-talba mhumiex rispettati.

Artikolu 18

Sospensjoni tal-proċedura

1.   Jekk, waqt il-proċedura tal-irkupru jew notifika, il-penali u/jew multa amministrattiva u/jew il-pretensjoni sottostanti jiġu rikużati jew appellati mill-fornitur ta' servizz konċernat jew minn parti interessata, il-proċedura ta' infurzar transkonfinali tal-penali u/jew multa imposta għandha tiġi sospiża sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni mill-korp kompetenti jew l-awtorità xierqa fl-Istat Membru li jagħmel it-talba.

Kwalunkwe kontestazzjoni jew appell għandu jsir lill-korp jew awtorità kompetenti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba.

L-awtorità li tagħmel it-talba għandha mingħajr dewmien tinnotifika din il-kontestazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba.

2.   Tilwim dwar il-miżuri ta' infurzar li ttieħdu fl-Istat Membru li ssirlu t-talba jew dwar il-validità ta' notifika li tkun saret minn awtorità li ssirilha t-talba għandhom jitressqu quddiem l-entità kompetenti jew l-awtorità ġudizzjarja ta' dak l-Istat Membru skont il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

Artikolu 19

Spejjeż

1.   L-ammonti rkuprati fir-rigward tal-penali u/jew multi msemmija f'dan il-Kapitolu għandhom ikunu dovuti lill-awtorità li ssirilha t-talba.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tirkupra l-ammonti dovuti fil-munita tal-Istat Membru tagħha, f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri jew il-prassi amministrattivi li japplikaw għal talbiet simili f'dak l-Istat Membru.

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha, jekk ikun meħtieġ, f'konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali tagħha tikkonverti l-penali u/jew multafil-munita tal-Istat li ssirlu t-talba bir-rata tal-kambju applikabbli fid-data meta l-penali u/jew multa tkun ġiet imposta.

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jagħmlu talbiet mingħand xulxin għar-rimborż tal-ispejjeż li jirriżultaw minn kwalunkwe assistenza reċiproka li huma jagħtu lil xulxin skont din id-Direttiva jew li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati u li jkun hemm konformità magħhom. Il- penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sat-18 ta' Ġunju 2016. Huma għandhom jinnotifikawlhom mingħajr dewmien kull emenda sussegwenti.

Artikolu 21

Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern

1.   Il-kooperazzjoni amministrattiva u l-għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri stipulati fl-Artikoli 6 u 7, l-Artikolu 10(3), u l-Artikoli 14 sa 18 għandhom jiġu implimentati permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw ftehimiet jew arranġamenti bilaterali dwar kooperazzjoni amministrattiva u assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni u l-monitoraġġ tat-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/71/KE, sa fejn dawn il-ftehimiet jew arranġamenti ma jaffettwawx b'mod ħażin id-drittijiet u l-obbligi tal-ħaddiema u l-impriżi kkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-ftehimiet u/jew arranġamenti bilaterali li huma japplikaw u għandhom jagħmlu t-test ta' dawk il-ftehimiet bilaterali ġeneralment disponibbli.

3.   Fil-kuntest tal-ftehimiet jew arranġamenti bilaterali msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom kemm jista' jkun jużaw l-IMI. F'kull każ, fejn awtorità kompetenti f'wieħed mill-Istati Membri kkonċernati jkun uża l-IMI, fejn ikun possibbli din għandha tintuża għal kwalunkwe azzjoni ta' segwitu meħtieġa.

Artikolu 22

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012

Fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“6.

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (*): Artikolu 4.

7.

Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (‘ir-Regolament tal-IMI’) (**) l-Artikoli 6 u 7, l-Artikolu 10(3), u l-Artikoli 14 sa 18.

Artikolu 23

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-18 ta' Ġunju 2016. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif isiru tali referenzi għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma se jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 24

Rieżami

1.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Mhux aktar tard mit-18 ta' Ġunju 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tipproponi, fejn xieraq, emendi u modifiki meħtieġa.

2.   Fir-reviżjoni tagħha l-Kummissjoni għandha, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u, fejn rilevanti, mal-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari tivvaluta:

(a)

kemm huma meħtieġa u xierqa l-elementi fattwali għall-identifikazzjoni ta' stazzjonament ġenwin, inklużi l-possibilitajiet li jkunu emendati u definiti elementi eżistenti jew ġodda possibbli li jridu jitqiesu sabiex ikun determinat jekk impriża hijiex ġenwina u jekk ħaddiem stazzjonat temporanjament iwettaqx ix-xogħol tiegħu jew tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 4;

(b)

kemm hi adatta d-data disponibbli relata mal-proċess ta' stazzjonament;

(c)

kemm hija adatta u adegwata l-applikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta' kontroll fid-dawl tal-esperjenza mas-sistema għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambji ta' informazzjoni, kif ukoll l-effikaċja tagħha, l-iżvilupp ta' dokumenti aktar uniformi u standardizzati, l-istabbiliment ta' prinċipji komuni jew ta' standards għall-ispezzjonijiet fil-qasam tal-istazzjonament tal-ħaddiema u żviluppi teknoloġiċi, kif imsemmi fl-Artikolu 9;

(d)

miżuri ta' responsabbiltà u/jew ta' infurzar introdotti biex jiżguraw konformità mar-regoli applikabbli u protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-katini tas-subkuntrattar, kif imsemmi fl-Artikolu 12;

(e)

l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar infurzar transkonfinali ta' penali u multi amministrattivi finanzjarji partikolarment fid-dawl tal-esperjenza mas-sistema u l-effikaċja tagħha, kif imniżżel fil-Kapitlu VI;

(f)

l-użu ta' ftehimiet u arranġamenti bilaterali fir-rigward tal-IMI, filwaqt li jitqies, fejn xieraq, ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012;

(g)

il-possibbiltà ta' aġġustament ta' skadenzi stabbiliti fl-Artikolu 6(6) għall-provvista tal-informazzjoni mitluba mill-Istati Membri jew il-Kummissjoni bl-għan li jitnaqqsu dawk l-iskadenzi, filwaqt li jitqies il-progress milħuq fil-funzjonament u l-użu tal-IMI.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 351, 15.11.2012, p. 61.

(2)  ĠU C 17, 19.1.2013, p. 67.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Mejju 2014.

(4)  Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6).

(6)  Il-Konvenzjoni ta' Ruma tad-19 ta' Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali miftuħa għall-firma f'Ruma (80/934/KEE), (ĠU L 266, 9.10.1980, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(12)  ĠU C 27, 29.1.2013, p. 4.

(13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32).

(14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(15)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta' konfiska (ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16).

(16)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1).

(17)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE tas-27 ta' April 2006 rigward il-konklużjoni ta' Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22).


Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-Artikolu 4(3)(g)

Il-fatt li l-impjieg li għalih ikun ġie temporanjament assenjat ħaddiem stazzjonat biex jagħmel xogħlu fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi jkun imteliex jew le mill-istess ħaddiem jew ħaddiem (stazzjonat) ieħor matul perijodi preċedenti, jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi possibbli li għandhom jitqiesu meta tkun qed issir valutazzjoni globali tas-sitwazzjoni fil-fatt, fil-każ li jkun hemm dubju.

Is-sempliċi fatt li dan jista' jkun wieħed mill-elementi ma għandu bl-ebda mod jiġi interpretat li qed jimponi projbizzjoni fuq is-sostituzzjoni possibbli ta' ħaddiem stazzjonat minn ħaddiem stazzjonat ieħor jew li qed ifixkel il-possibbiltà li ssir sostituzzjoni bħal din, li tista' tkun inerenti b'mod partikolari għal servizzi pprovduti fuq bażi staġonali, ċiklika jew repetittiva.


DEĊIŻJONIJIET

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/32


DEĊIŻJONI Nru 573/2014/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar kooperazzjoni mtejba bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Europea, u b'mod partikolari l-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (“Ewropa 2020”). Il-Kunsill Ewropew talab għall- mobilizzazzjoni tal-istrumenti u l-politiki kollha tal-Unjoni b'appoġġ għall-kisba tal-għanijiet komuni u stieden lill-Istati Membri biex itejbu l-azzjoni koordinata. Is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) għandhom rwol ċentrali fil-kontribut għall-kisba tal-mira ewlenija tal-Ewropa 2020, li r-rata ta' impjiegi titla' għal 75 % għan-nisa u l-irġiel ta' bejn 20 u 64 sena sal-2020, partikolarment billi jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ..

(2)

L-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“Trattat”) jistipula l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni filwaqt li l-Artikolu 46 tal-istess Trattat jistipula miżuri li jwasslu għal din il-libertà, b'mod partikolari billi tkun żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi. Netwerk ta' PES stabbilit skont din id-Deċiżjoni (“in-Netwerk”), minbarra l-aspetti ġenerali tal-mobbiltà ġeografika, għandu jkopri firxa wiesgħa ta' għanijiet u inizjattivi permezz ta' miżuri ta' inċentiv maħsuba biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-impjiegi.

(3)

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha l-għan li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tar-responsabbiltà tal-PES. Hija tifformalizza u ssaħħaħ il-kooperazzjoni informali bejn il-PES permezz tan-Netwerk Ewropew ta' Kapijiet tal-PES attwali, li qablu li jipparteċipaw fih l-Istati Membri kollha. Il-valur potenzjali sħiħ tan-Netwerk jinsab fil-parteċipazzjoni kontinwa tal-Istati Membri kollha. Dik il-parteċipazzjoni għandha tiġi nnotifikata lis-Segretarjat tan-Netwerk.

(4)

F'konformità mal-Artikolu 148(4) tat-Trattat, permezz tad-Deċiżjoni 2010/707/UE (3) il-Kunsill adotta linji gwida għall-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri li nżammu għas-snin 2011-2013. Dawn il-linji gwida integrati jipprovdu gwida lill-Istati Membri fid-definizzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom u fl-implimentazzjoni tar-riformi. Il-linji gwida integrati, jiffurmaw il-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li l-Kunsill jindirizza lill-Istati Membri skont dak l-Artikolu. F'dawn l-aħħar snin, dawk ir-rakkomandazzjonijiet inkludew rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-funzjonament u l-kapaċità tal-PES u dwar l-effettività tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.

(5)

Ikun tajjeb li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jgawdu minn aktar appoġġ b'bażi ta' evidenza mtejba, b'rispons dwar is-suċċess tal-implimentazzjoni tal-politika u b'kooperazzjoni bejn il-PES tal-Istati Membri. Għal dan il-għan, in-Netwerk għandu jwettaq inizjattivi konkreti bħal ma huma sistemi ta' valutazzjoni komparattiva (“benchmarking”) komuni bbażati fuq l-evidenza, attivitajiet ta' tagħlim reċiproku korrispondenti, għajnuna reċiproka bejn il-membri tan-Netwerk u l-implimentazzjoni ta' azzjonijiet strateġiċi għall-modernizzazzjoni tal-PES. L-għarfien speċifiku tan-Netwerk u tal-membri individwali tiegħu għandu jintuża wkoll biex jipprovdi, fuq talba mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni jew il-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO), evidenza għall-iżvilupp tal-politiki dwar impjiegi.

(6)

Kooperazzjoni akbar u aktar iffokata bejn il-PES għandha twassal għal skambju mtejjeb tal-aħjar prattiki. In-Netwerk għandu jikkollega s-sejbiet abbażi tal-valutazzjoni komparattiva u l-attivitajiet ta' tagħlim reċiproku b'mod li jippermetti l-iżvilupp ta' proċess ta' tagħlim komparattiv (“benchlearning”) sistematiku, dinamiku u integrat.

(7)

In- Netwerk għandu jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-EMCO, skont l-Artikolu 150 tat-Trattat u għandu jikkontribwixxi għal ħidma tal-EMCO billi jipprovdi evidenza fattwali u rapporti dwar politiki implimentati mill-PES. Il-kontributi tan-Netwerk lill-Parlament Ewropew għandhom jgħaddu mis-Segretarjat u dawk lill-Kunsill għandhom jgħaddu mill-EMCO, mingħajr ebda modifika u, fejn opportun flimkien ma' kummenti. B'mod partikolari, l-għarfien konġunt tan-Netwerk dwar aspetti ta' twettiq tal-politiki dwar l-impjieg u l-analiżi komparattiva tal-PES jista' jassisti lil min jieħu deċiżjonijiet ta' politika, kemm f'livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali, fil-valutazzjoni u t-tfassil tal-politiki dwar l-impjiegi.

(8)

In-Netwerk għandu jikkontribwixxi, fl-oqsma ta' responsabbiltà tal-PES, għall-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta' politika fil-qasam tal-impjiegi bħalma hi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (4). In-Netwerk għandu jappoġġa wkoll inizjattivi li għandhom l-għan ta' tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet, xogħol diċenti u sostenibbli, u mobbiltà volontarja tax-xogħol imsaħħa u li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għax-xogħol, inkluż permezz ta' appoġġ għall-għoti ta' gwida u t-trasparenza aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki. L-attivitajiet tan-netwerk għandhom jindirizzaw l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-politiki attivi għas-suq tax-xogħol, inklużi dawk li huma mmirati lejn il-gruppi vulnerabbli soċjali u l-esklużjoni soċjali.

(9)

In-Netwerk għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-membri tiegħu, jiżviluppa inizjattivi konġunti li jkollhom l-għan li jsiru skambji ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki fl-oqsma kollha koperti mill-PES, issir analiżi komparattiva u jingħataw pariri kif ukoll issir promozzjoni ta' approċċi innovattivi fit-twettiq tas-servizzi tal-impjiegi. Permezz tat-twaqqif tan-Netwerk ser ikun jista' jsir paragun inklussiv tal-PES kollha bbażat fuq l-evidenza u orjentat lejn il-prestazzjoni, li jwassal għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki fl-oqsma tas-servizzi tal-PES. Dawk ir-riżultati għandhom jikkontribwixxu għal tfassil u twettiq aħjar tas-servizzi tal-impjiegi fil-limiti tar-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom. L-inizjattivi tan-Netwerk għandhom itejbu l-effettività tal-PES u jippermettu nfiq pubbliku li jkun aktar effiċjenti. In-Netwerk għandu jikkoopera wkoll ma' fornituri oħra tas-servizzi tal-impjiegi.

(10)

Fil-programm ta' ħidma annwali tiegħu, in-Netwerk għandu jiddefinixxi d-dettalji tekniċi tal-valutazzjoni komparattiva tal-PES u l-eżerċizzju relatat ta' tagħlim reċiproku, b'mod partikolari l-metodoloġija tat-tagħlim komparattiv abbażi tal-indikaturi tal-valutazzjoni komparattiva kif jinsabu fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-PES, skont il-kuntest, ir-rekwiżiti tal-forniment ta' data, u l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm integrat għat-tagħlim reċiproku. L-oqsma tal-valutazzjoni komparattiva għandhom jiġu ddefiniti f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddeċiedu jekk jiħdux sehem f'eżerċizzji addizzjonali ta' tagħlim komparattiv f'oqsma oħra fuq bażi volontarja.

(11)

Is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-Anness dwar l-indikaturi tal-valutazzjoni komparattiva. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, b'mod partikolari mal-esperti tal-PES. Meta tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(12)

Minħabba l-varjetà ta' mudelli, kompiti u forom tat-twettiq ta' servizzi tal-PES, huma l-Istati Membri li għandhom jinnominaw, membru wieħed u membru supplenti wieħed għall-Bord tan-Netwerk(“il-Bord”), minn fost l-amministrazzjoni għolja tal-PES tiegħu. Meta jkun applikabbli, il-membru jew membru supplenti għandu jirrappreżenta, fil-Bord, il-PES l-ieħor mill-Istat Membru tiegħu. Fejn, għal raġunijiet kostituzzjonali, ma jkunx possibbli li Stat Membru jinnomina PES wieħed biss, il-PES rilevanti għandhom jiġu identifikati, in-numru tagħhom jinżamm għal minimu u mingħajr ma tinbidel ir-regola li Stat Membru wieħed ikollu vot wieħed fil-Bord. Il-membri tal-Bord għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-opinjonijiet u l-esperjenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inkorporati fl-attivitajiet tan-Netwerk u li tali awtoritajiet jinżammu infurmati dwar dawk l-attivitajiet. Il-membri tal-Bord għandu jkollhom l-awtorità li jieħdu deċiżjonijiet f'isem il-PES. Biex ikun żgurat l-involviment ta' kull PES fin-Netwerk, l-attivitajiet għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-PES mil-livelli kollha.

(13)

Sabiex ikun żgurat li l-kompiti komuni tal-PES ikunu mqabbla mill-qrib mas-sitwazzjoni attwali fis-suq tax-xogħol, in-Netwerk għandu jkollu l-aktar ċifri aġġornati dwar il-qgħad fil-livell NUTS 3.

(14)

In-Netwerk għandu jkompli jibni fuq l-esperjenza ta' u jissostitwixxi l-grupp konsultattiv informali eżistenti tan-Netwerk Ewropew ta' Kapijiet tal-PES li l-Kummissjoni ilha tappoġġa sa mill-1997, u li l-opinjonijiet tiegħu ġew ikkunsidrati f'din id-Deċiżjoni. L-oqsma ewlenin għall-azzjoni identifikati minn dak il-grupp konsultattiv fid-dokument tiegħu intitolat“L-Istrateġija tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi 2020” għandhom jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-PES.

(15)

In-Netwerk għandu jipprovdi għajnuna reċiproka għall-benefiċċju tal-membri tiegħu u għandu jgħin lill-membri tiegħu jappoġġaw lil xulxin fil-modernizzazzjoni tal-istrutturi organizzattivi u t-twettiq tas-servizzi billi jtejjeb il-kooperazzjoni, b'mod partikolari t-trasferiment tal-għarfien, żjarat ta' studju, u skambji ta' persunal.

(16)

In-Netwerk u l-inizjattivi tiegħu għandhom ikunu ffinanzjati permezz tat-taqsima PROGRESS/impjieg tal-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), skont l-approprjazzjonijiet stipulati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(17)

Għall-proġetti żviluppati min-Netwerk jew identifikati fl-attivitajiet ta' tagħlim reċiproku u mbagħad implimentati fil-PES individwali, l-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u “Orizzont 2020”, u l-Programm Qafas tal-Unjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(18)

In-Netwerk għandu jiżgura li jikkomplementa u mhux jissostitwixxi jew jidduplika l-azzjonijiet meħuda bħala parti mill-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi skont it-tifsira tat-Titolu IX tat-Trattat, b'mod partikolari dawk tal-EMCO u l-għodod tiegħu bħall-Qafas ta' Valutazzjoni Konġunta (JAF), kif ukoll il-Programm Tagħlim Reċiproku. Barra minn hekk, biex jinħolqu sinerġiji, il-Kummissjoni għandha tiżgura li s-Segretarjat tan-Netwerk jikkoopera mill-qrib ma' dak tal-EMCO.

(19)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B'mod partikolari, din id-Deċiżjoni tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal aċċess għal servizzi ta' impjieg mingħajr ħlas u li tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tal-Karta,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment tan-Netwerk

Netwerk tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) madwar l-Unjoni kollha huwa hawnhekk stabbilit għall-perijodu mis-17 ta' Ġunju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020 (“in-Netwerk”). In-Netwerk għandu jwettaq l-inizjattivi stipulati fl-Artikolu 4.

In-Netwerk għandu jkun magħmul minn:

(a)

il-PES kif innominat mill-Istati Membri;

(b)

il-Kummissjoni.

L-EMCO għandu jkollu status ta' osservatur.

L-Istati Membri b'PES awtonomi sottonazzjonali għandhom jiżguraw ir-rappreżentanza adegwata tagħhom fl-inizjattivi speċifiċi tan-Netwerk.

Artikolu 2

Definizzjoni ta' tagħlim komparattiv (“benchlearning”)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni u l-attivitajiet tan-Netwerk, “tagħlim komparattiv” tfisser il-proċess li bih tinħoloq rabta sistemika u integrata bejn il-proċess ta' attivitajiet ta' valutazzjoni komparattiva u tagħlim reċiproku, li jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta' prestazzjonijiet tajbin permezz ta' sistemi ta' valutazzjoni komparattiva bbażati fuq indikaturi, li jinkludu ġbir ta' data, validazzjoni ta' data, konsolidazzjoni ta' data u valutazzjonijiet, b'metodoloġija adatta, u l-użu tas-sejbiet għal attivitajiet ta' tagħlim reċiproku tanġibbli u bbażati fuq l-evidenza, inklużi mudelli tal-aħjar prattiki jew dawk tajba.

Artikolu 3

Għanijiet

L-għan ta' din id-Deċiżjoni hu li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tan-Netwerk fil-qasam tal-impjiegi, fl-oqsma tar-responsabbiltà tal-PES, sabiex tikkontribwixxi għall-’Ewropa 2020’ u għall-implimentazzjoni tal-politiki rilevanti tal-Unjoni, b'hekk tappoġġa:

(a)

il-gruppi soċjali l-aktar vulnerabbli b'rati għoljin ta' qgħad, speċjalment ħaddiema kbar fl-età u ż-żgħażagħ barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (“NEETs”);

(b)

ix-xogħol diċenti u sostenibbli;

(c)

il-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-UE;

(d)

l-identifikazzjoni ta' nuqqas ta' ħiliet u l-għoti ta' informazzjoni dwar l-estent tagħhom u fejn jinsabu, kif ukoll it-tlaqqigħ aħjar tal-ħiliet ta' min ifittex xogħol u l-ħtiġijiet ta' min iħaddem;

(e)

l-integrazzjoni aħjar tas-swieq tax-xogħol;

(f)

aktar mobbilità ġeografika u professjonali volontarja fuq bażi ekwa biex ikunu ssodisfati l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol;

(g)

l-integrazzjoni ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol bħala parti mill-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;

(h)

l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni ta' inizjattivi attivi tas-suq tax-xogħol u l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tagħhom.

Artikolu 4

Inizjattivi tan-Netwerk

1.   Fl-oqsma tar-responsabbiltà tal-PES, in-Netwerk għandu jwettaq, b'mod partikolari, l-inizjattivi li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp u l-implimentazzjoni fost il-PES fl-Unjoni kollha tagħlim komparattiv ibbażat fuq l-evidenza sabiex titqabbel, permezz ta' metodoloġija adatta, il-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħhom fl-oqsma li ġejjin:

(i)

kontribut għat-tnaqqis tal-qgħad għall-gruppi tal-etajiet kollha u għall-gruppi vulnerabbli;

(ii)

kontribut għat-tnaqqis tat-tul tal-qgħad u t-tnaqqis ta' inattività, sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fit-tul u strutturali, kif ukoll l-esklużjoni soċjali;

(iii)

il-mili ta' postijiet battala (inkluż permezz ta' mobbiltà volontarja tax-xogħol);

(iv)

is-sodisfazzjon tal-klijenti mis-servizzi tal-PES.

(b)

l-għoti ta' assistenza reċiproka, jew permezz ta' attivitajiet bejn il-pari jew attivitajiet fi grupp, permezz ta' kooperazzjoni, skambji ta' informazzjoni, esperjenza u persunal bejn il-membri tan-Netwerk, li jinkludi appoġġ għall-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet b'rabta mal-PES speċifiċi għall-pajjiżi, li jinħarġu mill-Kunsill fuq talba mill-Istat Membru jew il-PES ikkonċernat;

(c)

jikkontribwixxi għall-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-PES f'oqsma ewlenin, f'konformità mal-għanijiet tal-impjiegi u dawk soċjali tal-Ewropa 2020;

(d)

iħejji rapporti fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill, jew il-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva proprja;

(e)

jikkontribwixxi għal-implimentazzjoni tal-inizjattivi ta' politika rilevanti;

(f)

jadotta u jimplimenta l-programm ta' ħidma annwali tiegħu li jistabbilixxi l-metodi ta' ħidma tiegħu, ir-riżultati mistennija u d-dettalji relatati mal-implimentazzjoni tas-sistemi ta' tagħlim komparattiv;

(g)

jippromwovi u jiskambjaw l-aħjar prassi dwar l-identifikazzjoni ta' NEETs u dwar l-iżvilupp ta' inizjattivi biex ikun żgurat li dawk iż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet meħtieġa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol.

Fir-rigward tal-inizjattiva mniżżla fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-valutazzjoni komparattiva għandha tuża l-indikaturi stipulati fl-Anness. In-Netwerk għandu wkoll jipparteċipa b'mod attiv fl-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet billi jikkondividi d-data, l-għarfien u l-prattiki. L-Istati Membri għandhom jibqgħu kompetenti li jiddeċiedu jekk jiħdux sehem fuq bażi volontarja f'eżerċizzji addizzjonali ta' tagħlim komparattiv f'oqsma oħra minbarra dawk elenkati fil-punti (i) sa (iv) tal-punt (a);

2.   In-Netwerk għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rappurtar fir-rigward tal-inizjattivi elenkati fil-paragrafu 1. Fl-applikazzjoni ta' dak il-mekkaniżmu, il-membri tan-Netwerk għandhom jippreżentaw rapport lill-Bord kull sena.

Artikolu 5

Kooperazzjoni

In-Netwerk għandu jibda kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti tas-suq tax-xogħol inklużi fornituri oħra tas-servizzi tal-impjieg, u, fejn xieraq, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni qiegħda jew gruppi vulnerabbli, l-NGOs li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, in-Netwerk Ewropew għall-Politika dwar l-Iggwidar Tul il-Ħajja u servizzi privati tal-impjiegi, billi jinvolvihom f'attivitajiet rilevanti u f'laqgħat tan-Netwerk u bl-iskambju magħhom tal-informazzjoni u tad-data.

Artikolu 6

Funzjonament tan-Netwerk

1.   In-Netwerk għandu jkun taħt it-treġija ta' Bord. L-Istati Membri għandhom jinnominaw fuq il-Bord membru u membru supplenti mill-amministrazzjoni għolja tal-PES rispettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll taħtar membru u membru supplenti tal-Bord. Il-membri supplenti tal-Bord għandhom jieħdu post il-membri tagħhom kull meta jkun meħtieġ.

L-EMCO għandu jinnomina, minn fost il-membri tiegħu u skont ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu, rappreżentant wieħed li jkollu status ta' osservatur fuq il-Bord, ħlief għal sessjonijiet ristretti tal-Bord. Il-Bord għandu jkun jista' jiltaqa' f'sessjonijiet ristretti, bil-parteċipazzjoni ta' membru wieħed għal kull Stat Membru, u membru wieħed mill-Kummissjoni, ħlief għall-punti fuq l-aġenda dwar il-programm ta' ħidma annwali. Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Bord għandhom jipprovdu aktar dettalji dwar iż-żamma ta' sessjonijiet ristretti.

2.   Il-Bord għandu jaħtar President u żewġ Viċi Presidenti minn fost il-membri tiegħu nnominati minn Stat Membru. Il-President għandu jirrappreżenta lin-Netwerk. Il-Viċi President għandu jieħu post il-President kull meta jkun meħtieġ.

3.   Il-Bord għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu b'deċiżjoni unanima. Dawk ir-Regoli ta' Proċedura għandhom jinkludu fost l-oħrajn, l-arranġamenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord u d-dispożizzjonijiet dwar il-ħatra u l-mandati tal-President u l-Viċi Presidenti tal-Bord.

4.   Il-Bord għandu jadotta b'deċiżjoni approvata b'maġġoranza:

(a)

il-programm ta' ħidma annwali tan-Netwerk, inkluż it-twaqqif tal-gruppi ta' ħidma u l-arranġamenti lingwistiċi tal-laqgħat tan-Netwerk;

(b)

il-qafas tekniku għat-twettiq tal-valutazzjoni komparattiva u l-attivitajiet ta' tagħlim reċiproku, bħala parti mill-programm ta' ħidma annwali tan-Netwerk, inkluż il-metodoloġija tal-tagħlim komparattiv abbażi tal-indikaturi tal-valutazzjoni komparattiva kif jinsabu fl-Anness għal din id-Deċiżjoni għat-tqabbil tal-prestazzjoni tal-PES, il-fatturi varjabbli skont il-kuntest, ir-rekwiżiti tal-forniment ta' data, u l-istrumenti tat-tagħlim tal-programm ta' tagħlim reċiproku integrat;

(c)

ir-rapport annwali tan-Netwerk. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u għandu jiġi ppubblikat.

5.   Il-Bord għandu jiġi assistit minn Segretarjat ipprovdut mill-Kummissjoni u bbażat għandha. Is-Segretarjat f'kooperazzjoni mal-President u mal-Viċi Presidenti, għandu jħejji l-laqgħat tal-Bord, il-programm ta' ħidma annwali u r-rapport annwali tan-Netwerk. Is-Segretarjat għandu jikkoopera mill-qrib mas-Segretarjat tal-EMCO.

Artikolu 7

Appoġġ Finanzjarju għal din il-miżura ta' inċentiv

Ir-riżorsi globali għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu stabbiliti fit-taqsima PROGRESS/impjiegi tal-EaSI, li l-approprjazzjonijiet tiegħu ta' kull sena għandhom jiġu awtorizzatimill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-Qafas Finanzjarju.

Artikolu 8

Emenda tal-Anness dwar l-indikaturi tal-valutazzjoni komparattiva

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 9 biex temenda l-Anness li jistipula l-indikaturi tal-valutazzjoni komparattiva.

Artikolu 9

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija kkonferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni mis-17 ta' Ġunju 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard li tkun speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 10

Rieżami

Sat-18 ta' Ġunju 2017, il-Kumissjoni għandha tissottometti rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. B'mod partikolari, ir-rapport għandu jivvaluta sa liema punt in-Netwerk ikkontribwixxa għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u jekk wettaqx il-kompiti tiegħu. Għandu jivvaluta wkoll kif ġew żviluppati u implimentati min-Netwerk is-sistemi ta' valutazzjoni komparattiva fl-oqsma msemmija fil-punti (a)(i) sa (iv) tal-Artikolu 4(1).

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 67, 6.3.2014 p. 116.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' April 2014 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).

(4)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(5)  Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238).

(6)  Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).


ANNESS

INDIKATURI TAL-VALUTAZZJONI KOMPARATTIVA

A.

L-indikaturi kwantitattivi għall-oqsma elenkati fil-punti (a)(i) sa (iv) tal-Artikolu 4(1):

1.

Kontribut għat-tnaqqis tal-qgħad għall-gruppi tal-etajiet kollha u għall-gruppi vulnerabbli:

(a)

It-tranżizzjoni mill-qgħad għall-impjieg għal kull grupp ta' età, sess u livell ta' kwalifika, bħala parti mill-istokk ta' persuni qiegħda rreġistrati;

(b)

L-għadd ta' nies li jħallu r-reġistri tal-qgħad tal-PES, bħala parti mill-istokk ta' persuni qiegħda rreġistrati.

2.

Kontribut għat-tnaqqis tat-tul tal-qgħad u għat-tnaqqis ta' inattività, sabiex jiġi indirizzat l-qgħad fit-tul u strutturali, kif ukoll l-esklużjoni soċjali:

(a)

It-tranżizzjoni għall-impjieg, pereżempju, fi żmien 6 sa 12-il xahar ta' qgħad għal kull grupp ta' età, sess u livell ta' kwalifiki, bħala parti mit-tranżizzjonijiet kollha fl-impjiegi fir-reġistru tal-PES;

(b)

L-entrati f'reġistru tal-PES ta' persuni preċedentement inattivi, bħala parti mill-entrati kollha f'dak ir-reġistru tal-PES għall kull grupp ta' età u sess.

3.

Il-mili ta' postijiet battala (inkluż permezz ta' mobbiltà volontarja tax-xogħol):

(a)

Postijiet battala mimlijin;

(b)

Tweġibiet għall-Istħarriġ tal-Eurostat dwar il-Forza tax-Xogħol dwar il-kontribut tal-PES biex jinstab l-impjieg attwali tar-rispondent.

4.

Is-sodisfazzjon tal-konsumatur bis-servizzi tal-PES:

(a)

Is-sodisfazzjon ġenerali ta' min ifittex xogħol;

(b)

Is-sodisfazzjon ġenerali ta' min iħaddem.

B.

Oqsma ta' valutazzjoni komparattiva permezz ta' valutazzjoni kwalitattiva interna u esterna tal-faċilitaturi tal-prestazzjoni għall-oqsma elenkati fil-punti (a)(i) sa (iv) tal-Artikolu 4(1):

1.

Ġestjoni strateġika tal-prestazzjoni;

2.

Tfassil ta' proċessi operattivi bħall-iggwidar/bini ta' profili effettivi ta' min qed ifittex xogħol u l-użu addattat ta' strumenti attivi tas-suq tax-xogħol;

3.

Attivazzjoni sostenibbli u ġestjoni ta' tranżizzjonijiet;

4.

Relazzjonijiet ma' min iħaddem;

5.

Tfassil u implimentazzjoni tas-servizzi tal-PES ibbażati fuq l-evidenza;

6.

Ġestjoni effettiva ta' sħubijiet ma' partijiet interessati;

7.

Allokazzjoni tar-riżorsi tal-PES.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/40


Informazzjoni relatata mad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-ħidma taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (1) ser jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2014, wara li l-proċedura prevista fl-Artikolu 10 tal-Ftehim tkun tlestiet fit-2 ta' Mejju 2014.


(1)  ĠU L 323, 8.12.2007, p. 24.


REGOLAMENTI

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/41


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 574/2014

tal-21 ta' Frar 2014

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-mudell li għandu jintuża fit-tfassil ta' dikjarazzjoni tal-prestazzjoni dwar prodotti tal-bini

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 60(e) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jobbliga lill-manifatturi tal-prodotti tal-bini biex ifasslu dikjarazzjoni tal-prestazzjoni meta jitqiegħed fis-suq prodott għall-bini li jkun kopert bi standard armonizzat jew li jkun konformi ma' Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għal dak il-prodott. Skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, dik id-dikjarazzjoni għandha titfassal bil-mudell stabbilit fl-Anness III ta' dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-Artikolu 60(e) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni ngħatat il-kompitu li tadatta l-Anness III mar-Regolament (UE) Nru 305/2011 bħala risposta għall-progress tekniku.

(3)

Il-mudell stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu jiġi adattat, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku ħalli jippermetti l-flessibbiltà li jeħtieġu tipi differenti ta' prodotti tal-bini u manifatturi u sabiex teħfief id-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni.

(4)

Barra minn hekk, l-esperjenza prattika bl-implimentazzjoni tal-Anness III turi li l-manifatturi jeħtieġu aktar struzzjonijiet biex ifasslu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tal-prodotti tal-bini li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli. B'dawn l-istruzzjonijiet tkun qed tiżgura wkoll applikazzjoni korretta u armonizzata tal-Anness III.

(5)

Il-manifatturi għandu jkollhom ċertu flessibbiltà biex ifasslu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni, diment li dawn jipprovdu l-informazzjoni li jitlob l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 b'mod ċar u koerenti.

(6)

Sabiex ikun jista' jiġi identifikat b'mod inekwivoku l-prodott kopert b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni f'relazzjoni mal-livelli jew il-klassijiet tal-prestazzjoni tiegħu, il-manifatturi għandhom jorbtu kull prodott waħdieni mat-tip ta' prodott rispettiv u ma' sett partikolari ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni bil-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni li jissemma fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

(7)

L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu l-għan li kull prodott waħdieni tal-bini jkun jista' jiġi identifikat u traċċat billi l-manifatturi jagħmlu indikazzjoni ta' numru tat-tip, tal-lott jew serjali. Dan l-għan ma għandux jintlaħaq b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni, li għandha tintuża sussegwentement għal kull prodott li jikkorrispondi mat-tip ta' prodott definit fiha. Għalhekk, l-informazzjoni li jesiġi l-Artikolu 11(4) ma hemmx bżonn tiddaħħal fid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni.

(8)

Meta l-korpi notifikati jkunu identifikati tajjeb, l-elenkar tar-rapporti maħruġa kollha taċ-ċertifikati, tat-test, tal-kalkolu jew tal-valutazzjoni jaf issir estensiv u iebes u ma jagħtix valur miżjud għall-utenti tal-prodotti koperti b'dikjarazzjoni tal-prestazzjoni. Għalhekk il-manifatturi ma għandhomx ikunu obbligati jinkludu dawn l-elenki fid-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni tagħhom.

(9)

Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kompetittività fis-settur Ewropew tal-bini kollu kemm hu, dawk il-manifatturi li jagħtu dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni u li jixtiequ jgawdu s-simplifikazzjoni u l-istruzzjonijiet ħalli jeħfief l-għoti ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk mill-aktar fis possibbli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 għandu jinbidel bl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-dikjarazzjonijiet tal-prestazzjoni li ħarġu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u li jikkonformaw mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 u mal-Anness III inizjali tiegħu, għandhom jitqiesu konformi ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.


ANNESS

“ANNESS III

DIKJARAZZJONI TA' PRESTAZZJONI

Nru.

1.

Kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott:

2.

Użu/i intenzjonat/i:

3.

Manifattur:

4.

Rappreżentant awtorizzat:

5.

Sistema/i ta' AVCP:

6a.

Standard armonizzat:

Korp/i nnotifikat/i:

6b.

Dokument Ewropew ta' Valutazzjoni:

Valutazzjoni Teknika Ewropea:

Korp tal-Valutazzjoni Teknika:

Korp/i nnotifikat/i:

7.

Prestazzjoni/jiet ddikjarata/i:

8.

Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u/jew Dokumentazzjoni Teknika Speċifika:

Il-prestazzjoni tal-prodott identifikat hawn fuq hija konformi mal-prestazzjonijiet iddikjarati. Din id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni hija maħruġa, skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011, taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur identifikat hawn fuq.

Iffirmat għal u f'isem il-manifattur minn:

 

[isem]

 

Fi [post] fil-[data tal-ħruġ]

 

[firma]

Istruzzjonijiet għat-tfassil tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni

1.   ĠENERALI

Dawn l-istruzzjonijiet għandhom l-għan li jiggwidaw lill-manifatturi meta jkunu qed ifasslu dikjarazzjoni ta' prestazzjoni konformi mar-Regolament (UE) Nru 305/2011, skont il-mudell ta' dan l-Anness (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘il-mudell’).

Dawn l-istruzzjonijiet mhumiex parti mid-dikjarazzjonijiet ta' prestazzjoni li għandhom jinħarġu mill-manifatturi u ma għandhomx jiddaħħlu ma' dawn id-dikjarazzjonijiet ta' prestazzjoni.

Meta titfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, il-manifattur għandu:

(1)

jirriproduċi t-testi u t-titli prinċipali tal-mudell li mhumiex indikati f'parenteżi kwadri;

(2)

jissostitwixxi l-ispazji vojta u l-parenteżi kwadri billi jdaħħal l-informazzjoni meħtieġa.

Il-manifatturi jistgħu jinkludu wkoll, fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, ir-referenza għall-websajt fejn il-kopja tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun disponibbli skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Din tista' tiġi inkluża wara l-punt 8 jew f'xi post ieħor fejn ma taffettwax il-qari u ċ-ċarezza tal-informazzjoni obbligatorja.

2.   FLESSIBILITÀ

Sakemm l-informazzjoni obbligatorja meħtieġa mill-Artikolu 6 tar- Regolament (UE) Nru 305/2011 tingħata f'mod ċar, sħiħ u koerenti, meta tkun qed titfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, huwa possibbli li:

(1)

jintuża format differenti minn dak tal-mudell;

(2)

il-punti tal-mudell jingħaqdu billi xi wħud minnhom jiġu ppreżentati flimkien;

(3)

il-punti tal-mudell jiġu ppreżentati f'ordni differenti jew permezz tal-użu ta' tabella waħda jew aktar;

(4)

jitħallew barra xi punti tal-mudell li ma jkunux rilevanti għall-prodott li għalih tkun qed titfassal id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni. Pereżempju, dan jista' jiġri peress li d-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tista' tkun ibbażata jew fuq standard armonizzat jew fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, li allura tagħmel l-alternattiva l-oħra mhux applikabbli. Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jolqtu wkoll il-punti dwar ir-rappreżentant awtorizzat jew dwar l-użu tad-Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u d-Dokumentazzjoni Teknika Speċifika;

(5)

il-punti jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu nnumerati.

Jekk manifattur jixtieq joħroġ dikjarazzjoni ta' prestazzjoni unika li tkopri varjazzjonijiet differenti ta' tip ta' prodott, tal-anqas għandhom jiġu elenkati l-elementi li ġejjin separatament u b'mod ċar għal kull varjazzjoni ta' prodott: in-numru tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, il-kodiċi ta' identifikazzjoni fil-punt 1 u l-prestazzjoni/jiet iddikjarata/i fil-punt 7.

3.   STRUZZJONI GĦALL-MILI TAL-FORMOLA

Il-punt tal-mudell

Struzzjoni

In-numru tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni

Dan huwa n-numru ta' referenza tad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni previst fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

L-għażla tan-numru huwa f'idejn il-manifattur.

Dan in-numru jista' jkun l-istess bħall-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott indikat fil-punt 1 tal-mudell.

Punt 1

Indika l-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni tat-tip tal-prodott li hemm referenza għalih fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, il-kodiċi uniku ta' identifikazzjoni deċiż mill-manifattur biex isegwi l-marka CE huwa marbut mat-tip ta' prodott u allura mas-sett ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni ta' prodott tal-bini, kif imressaq fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni mfassla għalih. Barra minn hekk, għar-riċevituri tal-prodotti tal-bini, b'mod partikolari għall-utenti finali tagħhom, huwa meħtieġ li jkun jista' jiġi identifikat b'mod inekwivoku dan is-sett ta' livelli jew klassijiet għal xi prodott partikolari. Għaldaqstant, kull prodott tal-bini li għalih tkun tfasslet dikjarazzjoni ta' prestazzjoni, għandu jkun marbut mill-manifattur tiegħu mat-tip ta' prodott rispettiv u ma' sett partikolari ta' livelli jew klassijiet tal-prestazzjoni b'kodiċi uniku ta' identifikazzjoni, li jservi wkoll bħala r-referenza li tissemma fl-Artikolu 6(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 2

Indika l-użu maħsub, jew agħmel lista tal-użijiet maħsuba, kif xieraq, tal-prodott tal-bini kif previst mill-manifattur, f'konformità mal-ispeċifikazzjoni teknika armonizzata applikabbli.

Punt 3

Indika l-isem, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata u l-indirizz ta' kuntatt tal-manifattur kif meħtieġ skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 4

Dan il-punt għandu jiġi inkluż u jimtela biss f'każ li jkun ġie maħtur rappreżentant awtorizzat. F'każ bħal dan, indika l-isem u l-indirizz ta' kuntatt tar-rappreżentant awtorizzat li l-mandat tiegħu jkopri l-kompiti speċifikati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011.

Punt 5

Indika n-numru tas-sistema jew tas-sistemi ta' valutazzjoni u verifika tal-kostanza ta' prestazzjoni (AVCP) tal-prodott tal-bini kif stipulat fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Jekk ikun hemm sistemi multipli, kull waħda minnhom għandha tkun iddikjarata.

Punti 6a u 6b

Billi l-manifattur jista' jfassal dikjarazzjoni ta' prestazzjoni li tkun ibbażata jew fuq standard armonizzat jew fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet differenti ppreżentati fil-punti 6a u 6b għandhom jitqiesu bħala alternattiva, u waħda minnhom biss għandha tiġi applikata u mniżżla f'dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Fil-każ tal-punt 6a, jiġifieri meta dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun ibbażata fuq standard armonizzat, indika dawn kollha li ġejjin:

(a)

in-numru ta' referenza tal-istandard armonizzat u d-data tal-ħruġ tiegħu (ir-referenza datata); u

(b)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-korp/i nnotifikat/i.

Meta jingħata l-isem tal-korp/i nnotifikat/i, huwa essenzjali li l-isem jingħata fil-lingwa oriġinali tiegħu, mingħajr traduzzjoni għal lingwi oħra.

Fil-każ tal-punt 6b, jiġifieri meta dikjarazzjoni ta' prestazzjoni tkun ibbażata fuq Valutazzjoni Teknika Ewropea maħruġa għall-prodott, indika dawn kollha li ġejjin:

(a)

in-numru tad-Dokument Ewropew ta' Valutazzjoni u d-data tal-ħruġ tiegħu;

(b)

in-numru tal-Valutazzjoni Teknika Ewropea u d-data tal-ħruġ tagħha;

(c)

l-isem tal-Korp tal-Valutazzjoni Teknika; u

(d)

in-numru ta' identifikazzjoni tal-korp/i nnotifikat/i.

Punt 7

Skont dan il-punt, id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni għandha tindika:

(a)

il-lista tal-karatteristiċi essenzjali, kif determinati fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu jew użi maħsuba kif indikati fil-punt 2; u

(b)

għal kull karatteristika essenzjali, il-prestazzjoni ddikjarata, permezz ta' livell jew klassi, jew f'deskrizzjoni, f'relazzjoni ma' din il-karatteristika jew, għal karatteristiċi li għalihom mhi ddikjarata l-ebda prestazzjoni, l-ittri ‘NPD’ (Ebda Prestazzjoni Determinata).

Dan il-punt jista' jimtela permezz tal-użu ta' tabella li twassal ir-rabtiet bejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u s-sistemi ta' valutazzjoni u verifika tal-kostanza ta' prestazzjoni applikati rispettivament għal kull karatteristika essenzjali tal-prodott, kif ukoll il-prestazzjoni f'relazzjoni ma' kull karatteristika essenzjali.

Il-prestazzjoni għandha tkun iddikjarata b'mod ċar u espliċitu. Għaldaqstant, il-prestazzjoni ma tistax tiġi deskritta fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni biss billi tiddaħħal formula ta' kalkolu li għandha tiġi applikata mir-riċevituri. Barra minn hekk, il-livelli jew il-klassijiet ta' prestazzjoni ppreżentati f'dokumenti ta' referenza għandhom ikunu riprodotti fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni nnifsha u għalhekk ma tistax tiġi espressa biss billi jiddaħħlu referenzi għal dawn id-dokumenti fid-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Madankollu, il-prestazzjoni b'mod partikolari l-imġiba strutturali ta' prodott tal-kostruzzjoni tista' tiġi espressa permezz ta' referenza għad-dokumentazzjoni rispettiva tal-produzzjoni jew il-kalkoli tad-disinn strutturali. F'dan il-każ, id-dokumenti rilevanti għandhom ikunu mehmuża mad-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni.

Punt 8

Dan il-punt għandu jiġi inkluż biss u jimtela f'dikjarazzjoni ta' prestazzjoni jekk tkun intużat Dokumentazzjoni Teknika Xierqa u/jew Dokumentazzjoni Teknika Speċifika, skont l-Artikoli minn 36 sa 38 tar-Regolament (UE) Nru 305/2011, sabiex jiġu indikati r-rekwiżiti li magħhom jikkonforma l-prodott.

F'każ bħal dan, skont dan il-punt id-dikjarazzjoni ta' prestazzjoni għandha tindika:

(a)

in-numru ta' referenza tad-Dokumentazzjoni Teknika Speċifika u/jew Xierqa użata, u

(b)

r-rekwiżiti li magħhom jikkonforma l-prodott.

Firma

Issostitwixxi l-ispazji indikati fil-parenteżi kwadri bl-informazzjoni indikata u bil-firma.”


28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/47


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 575/2014

tas-27 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi fir-rigward ta' liċenzji tas-sewqan li jinkludu mezzi għall-ħażna (mikroċipp)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 (2) japplika għal-liċenzji tas-sewqan li jinkludu mikroċipp u jistabbilixxi sensiela ta' rekwiżiti tekniċi.

(2)

B'mod partikolari, it-Taqsima III.4.2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 383/2012 tistipula sistema ta' enumerazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE, ibbażata fuq l-assenjazzjoni ta' numru distintiv lill-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-UE.

(3)

Wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, hemm bżonn li jingħata numru distintiv lil dan il-pajjiż li jkun konformi mal-ordni numerika tan-NU KEE għall-approvazzjoni tat-tip.

(4)

Għalhekk ir-Regolament (UE) Nru 383/2012 għandu jiġi emendat skont dan.

(5)

Il-miżuri speċifikati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għal-liċenzji tas-sewqan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-Taqsima III.4.2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 383/2012 hija sostitwita bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 383/2012 tal-4 ta' Mejju 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi fir-rigward ta' liċenzji tas-sewqan li jinkludu mezzi għall-ħażna (mikroċipp), (ĠU L 120, 5.5.2012, p. 1).


ANNESS

It-Taqsima III.4.2 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 383/2012 hija sostitwita b'dan li ġej:

“III.4.2   Sistema ta' enumerazzjoni

Is-sistema ta' enumerazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE għandha tkun magħmula minn:

(a)

L-ittra ‘e’ segwita minn numru li jiddistingwi l-Istat Membru li jkun ta l-approvazzjoni tat-tip tal-UE

1.

għall-Ġermanja

2.

għall-Franza

3.

għall-Italja

4.

għall-Pajjiżi l-Baxxi

5.

għall-Isvezja

6.

għall-Belġju

7.

għall-Ungerija

8.

għar-Repubblika Ċeka

9.

għal Spanja

11.

għar-Renju Unit

12.

għall-Awstrija

13.

għal-Lussemburgu

17.

għall-Finlandja

18.

għad-Danimarka

19.

għar-Rumanija

20.

għall-Polonja

21.

għall-Portugall

23.

għall-Greċja

24.

għall-Irlanda

25.

għall-Kroazja

26.

għas-Slovenja

27.

għas-Slovakkja

29.

għall-Estonja

32.

għal-Latvja

34.

għall-Bulgarija

36.

għal-Litwanja

49.

għal Ċipru

50.

għal Malta

(b)

L-ittri DL preċeduti minn sing u segwiti miż-żewġ ċifri li jindikaw in-numru tas-sekwenza assenjat lil dan ir-Regolament jew lill-aħħar emenda teknika kbira lil dan ir-Regolament. In-numru ta' sekwenza għal dan ir-Regolament huwa 00;

(c)

Numru ta' identifikazzjoni uniku għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE attribwit mill-Istat Membru emittenti.

Eżempju tas-sistema ta' enumerazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE: e50-DL00 12345

In-numru tal-approvazzjoni għandu jinħażen fuq il-mikroċipp fid-DG 1 għal kull liċenzja tas-sewqan li jkun fiha mikroċipp bħal din.”


28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/50


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 576/2014

tas-27 ta’ Mejju 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 KG)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

45,8

MA

33,4

MK

75,5

TR

68,5

ZZ

55,8

0707 00 05

AL

36,9

MK

39,9

TR

119,9

ZZ

65,6

0709 93 10

MA

29,9

TR

111,2

ZZ

70,6

0805 10 20

EG

41,2

MA

41,0

TR

49,7

ZZ

44,0

0805 50 10

TR

121,8

ZA

139,4

ZZ

130,6

0808 10 80

AR

104,4

BR

97,8

CL

95,3

CN

98,7

MK

26,7

NZ

138,9

US

185,4

ZA

105,3

ZZ

106,6


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


DEĊIŻJONIJIET

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/52


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-27 ta' Mejju 2014

li temenda d-Deċiżjoni 2011/166/UE li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC

(2014/302/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta' Riċerka (SHARE-ERIC) ġie stabbilit permezz tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/166/UE. (2)

(2)

L-Istatuti tax-SHARE-ERIC annessi mad-Deċiżjoni 2011/166/UE jipprovdu għat-trasferiment tas-sede statutorja mill-Olanda lejn il-Ġermanja malli d-dikjarazzjoni meħtieġa skont il-punt (d) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 hija pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

(3)

Bħala riżultat tad-dikjarazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, ix-SHARE-ERIC ippreżentat, fil-21 ta' Settembru 2013, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda l-Istatuti tagħha skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(4)

Diversi emendi, inkluż l-emenda b'kunsiderazzjoni għat-trasferiment tas-sede statutorja għall-Ġermanja, daħlet fis-seħħ skont l- Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(5)

Emendi oħra li jispeċifikaw sjieda u tixrid ta' dejta ta' SHARE-ERIC u li jimkodifikaw eżenzjonijiet mit-taxxa bħala riżultat tat-trasferiment tas-sede lill-Ġermanja jirrikjedu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(6)

Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istatuti tax-SHARE-ERIC annessi mad-Deċiżjoni 2011/166/UE huma emendati skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/166/UE tas-17 ta' Marzu 2011 li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC (ĠU L 71, 18.3.2011, p. 20).


ANNESS

L-Istatuti ta' SHARE-ERIC huma emendati kif ġej:

1.

L-Artikolu 11(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(2)   SHARE-ERIC huwa sid l-Istħarriġ u d-dejta kollha tiegħu, inklużi ż-żidiet ċċertifikati minn SHARE, meta- u paradejta u kull fajl tal-indirizzi u tal-ħoloq, u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha li joħorġu mit-tħejjija u mit-tmexxija tal-istħarriġ.”

2.

L-Artikolu 12(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(1)   SHARE-ERIC għandu jxerred id-dejta miġbura wara t-tindif, l-imputazzjoni, u d-dokumentazzjoni tad-dejta u wara li jitqiesu l-liġijiet tal-privatezza internazzjonali u nazzjonali, mingħajr dewmien lill-komunità xjentifika.”

3.

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(4)   Eżenzjonijiet mit-taxxa bbażati fuq il-punt (g) tal-Artikolu 143(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 151(1) tad-Direttiva 2006/112/KE u skont l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (*) għandhom japplikaw għal xiri ta' oġġetti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali minn SHARE-ERIC, jinxtraw u jitħallsu minnha u li għalihom l-ammont tal-VAT li għandu jiġi rrimborżat jaqbeż total ta' EUR 25 għal kull fattura. L-akkwist li jsir mill-membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika, madankollu, jekk ikollu effett li jikkaġuna distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(*)  ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1.”"

(b)

Huma miżjuda l-paragrafi 5 u 6 li ġejjin:

“(5)   Prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa kif definit fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (**) jistgħu jingħataw eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa skont il-punt (b) tal-Artikolu 12(1) ta' dik id-Direttiva sakemm dawk l-oġġetti tas-sisa jkunu maħsuba esklussivament għall-użu uffiċjali ta' SHARE-ERIC u huma akkwistati u jitħallsu minnha.

L-ebda eżenzjoni minn ħlas ta' dazji tas-sisa ma għandha tingħata għal oġġetti tas-sisa maħsuba għall-użu personali ta' impjegati ta' SHARE-ERIC jew ta' partijiet terzi.

(6)   Dazji mħallsa fuq prodotti ta' enerġija u elettriku kif definit fil-punt (a) tal- Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/118/KE jistgħu jiġu rimborżati skont il-punt (b) tal-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 12(2) ta' dik id-Direttiva sakemm dawk il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku jkunu maħsuba esklussivament għall-użu uffiċjali ta' SHARE-ERIC u huma akkwistati u mħallsa minnha, u li l-ammont tad-dazju jaqbeż total ta' EUR 25 għal kull fattura.

L-ebda eżenzjoni mid-dazju ma għandha tingħata fuq il-prodotti tal-enerġija jew tal-elettriku maħsuba għall-użu personali tal-impjegati ta' SHARE-ERIC jew ta' partijiet terzi.

(**)  ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.”"



28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/54


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta' Frar 2014

dwar il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju u r-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern minn banek ċentrali nazzjonali

(BĊE/2014/8)

(2014/303/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artikolu 132(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari t-tieni inċiż tal-Artiklu 34.1 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 271(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 35.6 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mad-disa' Premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 (1), il-Kunsill Governattiv għandu l-mandat biex jevalwa l-konformità mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) mal-obbligi tagħhom taħt it-Trattati. Għal dak il-għan il-Kunsill Governativ jimmonitorja l-konformità tal-BĊNi mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju kif stipulat fl-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni hija mmirata biex tiċċara l-kriterji li l-Bank Centrali Ewropew (BĊE) ser japplika fir-rigward tar-remunerazzjoni ta' depożiti miżmuma mill-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi mal-bank ċentrali tagħhom b'rabta mal-projbizzjoni fit-Trattat tal-finanzjament monetarju, għall-finijiet tal-irwol ta' monitoraġġ tal-Kunsill Governattiv kif imsemmi hawn fuq.

(2)

Sabiex jimmonitorja l-konformità mal-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju stipulata fl-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE għandu jqis ir-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern, li ma għandhiex tkun ogħla minn remunerazzjoni bbażata fuq ir-rati tas-suq tal-flus relevanti. Din id-Deċiżjoni tispeċifika r-rati tas-suq li ser joperaw bħala limiti massimi għar-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern u li ser jitqiesu għall-monitoraġġ tal-konformità mat-Trattat mill-1 ta' Diċembru 2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“gvern” tfisser l-entitajiet pubbliċi kollha msemmija fl-Artikolu 123 tat-Trattat, kif interpretat fid-dawl tar-Regolament (KE) Nru 3603/93, ħlief għal istituzzjonijiet ta' kreditu li huma proprjetà pubblika li, fil-kuntest tal-forniment ta' riżervi mill-BĊNi, jingħataw l-istess trattament mill-BĊNi u l-BĊE bħala istituzzjonijiet ta' kreditu privati;

(b)

“depożiti tal-gvern” tfisser depożiti ta' matul il-lejl u għal terminu fiss aċċettati mill-BĊNi minn kull gvern;

(c)

“rata tas-suq ta' matul il-lejl mingħajr garanzija” tfisser: (i) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl f'euro, ir-rata medja tal-indiċi ta' matul il-lejl tal-euro (EONIA); u (ii) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl f'munita differenti, rata kumparabbli;

(d)

“rata tas-suq b'garanzija” tfisser: (i) fir-rigward ta' depożiti għal terminu fiss f'euro, ir-rata offruta fis-suq tar-riakkwisti f'euro (EUREPO) b'maturità kumparabbli jekk disponibbli; u (ii) fir-rigward ta' depożiti għal terminu fiss f'munita differenti, rata kumparabbli.

Artikolu 2

Remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern u konformità mal-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju

1.   Għall-finijiet ta' monitoraġġ tal-konformità mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju, għandhom japplikaw il-limiti massimi li ġejjin fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern mal-BĊNi:

(a)

għal depożiti ta' matul il-lejl, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mingħajr garanzija;

(b)

għal depożiti għal żmien fiss, ir-rata tas-suq b'garanzija jew, jekk mhux disponibbli, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mingħajr garanzija.

2.   Il-konformità mal-limiti massimi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatti relevanti kollha li jkunu speċifiċi għal kull każ individwali.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati mill-BĊE mill-1 ta' Diċembru 2014.

2.   Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-22 ta' Frar 2014.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Frar 2014.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).


LINJI GWIDA

28.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 159/56


LINJA GWIDA TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-20 ta' Frar 2014

dwar operazzjonijiet ta' ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali

(BĊE/2014/9)

(2014/304/UE)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

It-twettiq tal-politika monetarja unika jeħtieġ li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jispeċifika l-prinċipji ġenerali li għandhom jiġu segwiti mill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita taghom hija l-euro (iktar 'il qudiem il-“BĊNi”) meta jwettqu operazzjonijiet domestiċi f'attiv u passiv uq l-inizjativa tagħhom stess; dawn l-operazzjonijiet m'għandhomx jinterferixxu mal-politika monetarja unika.

(2)

Ftehim ta' xiri mill-ġdid li l-BĊNi jagħmlu ma' banek ċentrali nazzjonali mhux tal-Eurosistema jista' jkollhom impatt fuq il-likwidità tal-euro u għalhekk fuq il-politika monetarja unika ladarba jiġu attivati. Għaldaqstant, biex tiġi ssalvagwardata aħjar l-integrità tal-politika monetarja unika, il-Kunsill Governattiv iddeċieda fit-22 ta' Ottubru 2009 li tkun meħtieġa l-approvazzjoni tiegħu minn qabel għal ċerti arranġamenti ta' likwidità li jagħmlu l-BĊNi mal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-Eurosistema.

(3)

Limitazzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern miżmumin għand BĊNi bħala aġenti fiskali bis-saħħa tal-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”) għandhom jiġu speċifikati biex jippreservaw l-integrità tal-politika monetarja unika, u sabiex jiġu pprovduti inċentivi għal depożiti tal-gvern biex jitpoġġew fis-suq, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-ġestjoni tal-likwidità u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Eurosistema. Barra minn dan, l-introduzzjoni ta' livell massimu fuq ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern ibbażat fuq rati tas-suq tal-flus tiffaċilita l-monitoraġġ tal-konformità tal-BĊNi mal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mwettaq mill-BĊE skont l-Artikolu 271(d) tat-Trattat.

(4)

Fid-dawl tan-natura eċċezzjonali u temporanja tad-depożiti ta' gvern relatati mal-Unjoni Ewropea/Fond Monetarju Internazzjonali u programmi ta' appoġġ finanzjarju oħrajn paragunabbli, il-proċeduri applikabbli m'għandhomx jirrestrinġu l-kapaċità ta' gvern nazzjonali li jżomm depożiti mal-BĊN tiegħu, mhux l-inqas għaliex iż-żamma ta' depożiti bħal dawn tista' tkun parti mill-kundizzjonijiet tal-programm rilevanti. L-esklużjoni ta' dawn id-depożiti mill-ammont tal-livell minimu ma jinterferixxix mal-politika monetarja unika bl-istess mod bħaż-żamma ta' depożiti tal-gvern fi Stati Membri oħra li l-munita tagħhom hija l-euro,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tapplika għall-operazzjonijiet tal-BĊN kollha li jinvolvu ammonti ta' euro, inklużi operazzjonijiet imwettqa mill-BĊNi jew bħala prinċipal f'isimhom stess jew bħala aġent f'isem terzi jew kemm bħala prinċipal u bħala aġent fl-istess ħin. L-operazzjonijiet li ġejjin m'humiex suġġetti għal din il-Linja Gwida:

(a)

faċilitajiet permanenti u operazzjonijiet eżegwiti mill-BĊNi fuq l-inizjattiva tal-BĊE, partikolarment, operazzjonijiet imwettqa mwettqaskont il-Linja Gwida BĊE/2011/14 (1);

(b)

tranżazzjonijiet f'metalli prezzjużi u operazzjonijiet ta' kambju barrani kontra l-euro, li huma koperti mil-Linja Gwida BĊE/2003/12 (2);

(c)

operazzjonijiet ta' BĊNi relatati mal-assistenza tal-likwidità ta' emerġenza.

2.   L-Artikoli 7 u 8 m'għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet li jagħmlu l-BĊNi:

(a)

meta jaġixxu bħala aġenti fiskali bis-saħħa tal-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-SEBĊ;

(b)

għall-finijiet amministrattivi tagħhom jew tal-persunal tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 24 tal-Istatut tas-SEBĊ;

(c)

meta jiġġestixxu fond ta' pensjoni għall-persunal tagħhom;

(d)

meta joperaw skema ta' depożitu għall-persunal tagħhom jew klijenti oħrajn;

(e)

meta jkunu qed jittrasferixxu l-profitt tagħhom lill-gvern.

Operazzjonijiet imwettqa mill-fond ta' pensjoni tal-persunal tal-BĊN li huwa ġestit minn istituzzjoni awtonoma, għandhom ikunu eżentati mill-Artikoli 6 u 9. Barra minn dan, ir-rekwiżiti ta' rappurtar ex post tal-Artikoli 6 u 9 m'għandhomx japplikaw għal operazzjonijiet imwettqa mill-BĊNi għall-finijiet amministrattivi tagħhom jew tranżazzjonijiet ta' depożitu relatati mal-kontijiet kurrenti li persunal u klijienti oħra jżommu fil-BĊNi.

3.   Ħlief għar-rekwiżiti ta' rappurtar ex post fl-Artikolu 6(1), din il-Linja Gwida m'għandhiex tapplika għal operazzjonijiet fil-qafas tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 iktar 'il fuq, l-Artikoli 5 u 11 għandhom japplikaw għad-depożiti tal-gvern iddenominati f'euro jew f'munita barranija.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din il-Linja Gwida:

(a)

“ftehim ta' xiri mill-ġdid” ifisser ftehim li bih BĊN u bank ċentrali nazzjonali mhux taż-żona tal-euro jiftiehmu li jidħlu fi tranżazzjoni jew tranżazzjonijiet speċifiċi ta' xiri mill-ġdid. Fi tranżazzjoni ta' xiri mill-ġdid, parti waħda tiftiehem li tixtri minn (jew tbiegħ lil) parti oħra titoli ddenominati f'euro bi ħlas ta' prezz miftiehem f'euro fid-data tan-negozju, bi ftehim simultanju biex tbiegħ lil (jew tixtri minn) parti oħra titoli ekwivalenti bi ħlas ta' prezz ieħor miftiehem fid-data tal-maturità;

(b)

“gvern” tfisser kull entità pubblika ta' Stat Membru jew kwalunkwe entità pubblika tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 123 tat-Trattat, kif interpretat fid-dawl tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 (3), ħlief għal istituzzjonijiet ta' kreditu li jappartjenu lill-pubbliku li, fil-kuntest tal-provvista ta' riżervi minn BĊNi, jingħataw l-istess trattament mill-BĊNi u l-BĊE bħala istituzzjonijiet ta' kreditu privat;

(c)

“depożiti tal-gvern” tfisser depożiti ta' matul il-lejl jew ta' terminu fiss aċċettati mill-BĊNi minn kwalukwe gvern, inklużi depożiti miżmumin f'muniti barranin;

(d)

“rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita” tfisser: (a) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl f'munita domestika, ir-rata medja tal-indiċi ta' matul il-lejl tal-euro (EONIA); (b) fir-rigward ta' depożiti ta' matul il-lejl f'munita barranija, rata paragunabbli;

(e)

“rata tas-suq iggarantita” tfisser: (a) fir-rigward ta' depożiti ta' terminu fiss munitaf'munita domestika, ir-rata tas-suq repo offruta (EUREPO) b'maturità paragunabbli jekk disponibbli; u (b) fir-rigward ta' depożiti b'terminu fiss f'munita barranija, rata paragunabbli;

(f)

“prodott domestiku gross” tfisser il-valur tal-produzzjoni totali ta' oġġetti u servizzi ta' ekonomija, wara li jitnaqqas il-konsum intermedju, flimkien ma' taxxi netti fuq prodotti u importazzjonijiet, f'perijodu speċifikat;

(g)

“rata ta' faċilità ta' depożitu” tfisser ir-rata ta' imgħax speċifikata minn qabel li tiġi applikata għall-kontropartijiet li jużaw il-faċilità ta' depożitu tal-Eurosistema biex isiru depożiti ta' matul il-lejl ma' BĊN.

Artikolu 3

Kwistjonijiet organizzattivi

1.   Il-BĊNi għandhom jagħmlu, u l-Bord Eżekuttiv għandu jimmonitorja, l-arranġamenti xierqa sabiex il-kontropartijiet ikunu jistgħu jiddistingwu bejn operazzjonijiet imwettqa minn BĊNi skont din il-Linja Gwida u operazzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali mwettqa minn BĊNi skont l-istrumenti u l-proċeduri speċifikati fil-Linja Gwida BĊE/2011/14.

2.   Il-BĊNi għandhom jagħmlu arranġamenti xierqa biex jiżguraw li informazzjoni kunfidenzjali dwar il-politika monetarja ma tintużax mill-BĊNi meta jwettqu operazzjonijiet koperti minn din il-Linja Ġwida

3.   Il-BĊNi għandhom jinfurmaw lill-BĊE dwar l-arranġamenti stabbiliti skont il-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4

Approvazzjoni minn qabel ta' ftehim ta' xiri mill-ġdid mal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-Eurosistema

1.   Qabel ma l-BĊNi jidħlu fi ftehim ta' xiri mill-ġdid ma' banek ċentrali nazzjonali mhux tal-Eurosistema, għandhom jissottomettu dawn il-ftehim lill-BĊE għal approvazzjoni minn qabel mill-Kunsill Governattiv.

2.   Il-BĊNi għandhom jissottomettu t-talbiet tagħhom għall-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE kemm jista' jkun qabel id-data prevista għall-konklużjoni ta' ftehim ta' xiri mill-ġdid. Kull talba għandu jkollha ta' mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identitià tal-kontroparti fil-ftehim ta' xiri mill-ġdid;

(b)

l-iskop tal-ftehim ta' xiri mill-ġdid;

(c)

sa fejn ikunu diġà disponibbli, l-ammont u d-dati ta' tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid speċifiċi; l-ammont aggregat previst ta' dawn it-transazzjonijiet;

(d)

il-maturità tal-ftehim ta' xiri mill-ġdid u, sa fejn tkun diġà disponibbli, il-maturità tat-tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid speċifiċi li għandhom jiġu konklużi;

(e)

kull informazzjoni oħra kkunsidrata rilevanti mill-BĊN li jissottometti t-talba.

3.   Il-Kunsill Governattiv għandu jirrispondi kull talba kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux iktar tard minn 40 jum tan-negozju wara li tiġi rċevuta t-talba.

4.   Meta jirċievi talba għal approvazzjoni minn qabel, il-Kunsill Governattiv għandu jqis:

(a)

l-għan primarju li tiġi żgurata l-integrità tal-politika monetarja;

(b)

il-preservazzjoni tal-effettività tal-ġestjoni tal-likwidità tal-euro mill-Eurosistema;

(c)

approċċ ikkoordinat għall-Eurosistema fir-rigward tat-twettiq ta' tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid mal-banek ċentrali nazzjonali mhux tal-Eurosistema;

(d)

li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu kollha li jinsabu fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro

5.   Jekk il-Kunsill Governattiv jikkunsidra li ftehim ta' xiri mill-ġdid ma jkunx konformi mal-għanijiet speċifikati fil-paragrafu 4, jista' jeħtieġ li l-ftehim ta' xiri mill-ġdid sottomess għall-approvazzjoni tiegħu:

(a)

jiġi konkluż f'xi data iktar tard milli ppjanat oriġinarjament; jew

(b)

ikun suġġett għal emendi speċifiċi u sottomess mill-ġdid għall-approvazzjoni qabel ma jkun jista' jiġi konkluż mill-BĊN rilevanti.

6.   Il-Kunsill Governattiv għandu jipprova jakkomoda t-talbiet tal-BĊNi għall-approvazzjoni minn qabel wara li jqis l-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' nondiskriminazzjoni.

Artikolu 5

Limitazzjonijiet fuq remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern

1.   Ir-remunerazzjoni ta' depożiti tal-gvern għandha tkun suġġetta għal-livelli massimi li ġejjin:

(a)

għal depożiti ta' matul il-lejl, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita;

(b)

għal depożiti b'terminu fiss, ir-rata tas-suq iggarantita jew, jekk mhijiex disponibbli, ir-rata tas-suq ta' matul il-lejl mhux iggarantita.

2.   Fi kwalunkwe jum tal-kalendarju, l-ammont totali ta' depożiti ta' matul il-lejl u b'terminu fiss tal-gvernijiet kollha ma' BĊN li jaqbeż l-ogħla minn dawn it-tnejn: (a) EUR 200 miljun; jew (b) 0,04 % tal-prodott domestiku gross tal-Istat Membru fejn il-BĊN ikun ddomiċiljat, għandu jkun remunerat b'rata ta' imgħax ta' żero fil-mija.

3.   Id-depożiti tal-gvern relatati mal-Unjoni Ewropea/il-Fond Monetarju Internazzjonali u programmi ta' appoġġ finanzjarju paragunabbli oħrajn li jinżammu f'kontijiet mal-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għall-paragrafu 1 imma m'għandhomx jgħoddu għall-ammont tal-livell minimu msemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 6

Rapportar

1.   Il-BĊNi għandhom jirrapportaw ex ante lill-BĊE l-effett tal-likwidità netta totali tal-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi fil-kuntest tal-qafas tal-ġestjoni tal-likwidità ġenerali tal-Eurosistema. BĊN għandu jinkludi t-trasferiment tal-profitt tiegħu lill-gvern fil-previżjoni tiegħu dwar il-fatturi awtonomi tal-likwidità tal-inqas darba fil-ġimgħa qabel ma jseħħ it-trasferiment. Barra minn hekk, BĊN għandu jiżgura permezz ta' miżuri xierqa li l-operazzjonijiet ta' investiment u skemi ta' depożitu ma jirriżultawx f'effetti ta' likwidità li ma jistgħux jitbassru b'mod preċiż.

2.   Darba fix-xahar, il-BĊNi għandhom jirrapportaw ex post lill-BĊE, bl-użu tal-format ta' rappurtar ex post fl-Anness II ta' din il-Linja Gwida, id-dettalji tal-operazzjonijiet li wettqu matul ix-xahar ta' qabel. Fir-rigward ta' rapport ex post ta' kull xahar, għandu japplika livell minimu ġenerali ta' EUR 500 miljun għall-fatturat ta' kull xahar f'kull kategorija individwali elenkata fl-Anness II, bit-tranżazzjonijiet ikun jgħoddu għal-livell minimu kif ġej:

(a)

is-somma grossa ta' xiri, bejgħ, u fidi għal kull waħda minn dawn il-kategoriji li ġejjin:

(i)

operazzjonijiet ta' investiment;

(ii)

ġestjoni ta' fond ta' pensjoni;

(iii)

attivitajiet ta' aġent;

(b)

somma grossa ta' teħid u għoti ta' self ta' titoli mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

self ta' titoli; u

(ii)

tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid;

(c)

is-somma grossa ta' għoti ta' kreditu u teħid ta' depożiti għall-kreditu tal-kategorija u skemi ta' depożitu;

(d)

l-ammont ta' kull kategorija minn dawn:

(i)

obbligazzjonijiet lejn terzi; u

(ii)

trasferiment u sussidji.

Jekk is-somma gross tat-tranżazzjonijiet f'kategorija tiġi taħt il-livell minimu rispettiv, il-BĊNi għandhom iniżżlu żero fil-format tar-rappurtar bħal f'każijiet meta ma jkunux saru tranżazzjonijiet. Il-BĊNi jistgħu jagħżlu li jkomplu jirrappurtaw it-tranżazzjonijiet tagħhom kollha lill-BĊE anki jekk il-livell minimu għal kategorija waħda jew iżjed ma jintlaħaqx (rappurtar sħiħ).

Għal tranżazzjonijiet bl-euro mwettqa fil-qafas ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi, il-BĊNi għandhom jikkonformaw ukoll ma' kull rekwiżit ta' rappurtar ieħor.

3.   Fil-każ li r-rekwiżiti ta' rappurtar jiżvelaw li l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv ta' BĊN partikolari jikkontradixxu rekwiżiti tal-politika monetarja unika, il-BĊE jista' jagħti struzzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-komportament tal-ġestjoni tal-attiv u tal-passiv tal-BĊN inkwistjoni.

Artikolu 7

Limiti

1.   Ma jistgħux jitwettqu operazzjonijiet 'il fuq mil-livell minimu fl-Anness I ta' din il-Linja Gwida mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-BĊE. Dan il-livell minimu japplika wkoll għal tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid, mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta' approvazzjoni minn qabel għal ftehim ta' xiri mill-ġdid fl-Artikolu 4.

2.   Minbarra l-livell minimu għall-operazzjonijiet aggregati ta' kuljum fl-Anness I ta' din il-Linja Gwida, il-BĊE jista' jispeċifika u japplika limiti addizzjonali għax-xiri kumulattivi tal-BĊNi jew bejgħ ta' attiv u passiv matul kwalunkwe perijodu partikolari ta' żmien.

3.   Il-Kunsill Governattiv jista' jibdel il-livell minimu fl-Anness I ta' din il-Linja Gwida fi kwalunkwe żmien.

Artikolu 8

Proċedura għat-talba u l-għoti ta' approvazzjoni minn qabel

1.   Il-BĊNi għandhom jibagħtu t-talbiet tagħhom għal approvazzjoni kemm jista' jkun kmieni. Meta l-operazzjoni trid tiġi rregolata fl-istess jum jew fil-jum tax-xogħol ta' wara, il-BĊE għandu jirċievi dawn it-talbiet mhux iktar tard mid-9 a.m. (4) fid-data tan-negozju prevista. Għal operazzjonijiet oħrajn, il-BĊE għandu jirċievi t-talba korrispondenti mhux iktar tard mill-11 a.m. fid-data tan-negozju prevista.

2.   It-talba tal-BĊN għandha ssir skont l-Anness III ta' din il-Linja Gwida. Meta tranżazzjoni, li għaliha tkun intalbet u ngħatat approvazzjoni minn qabel, ma ssirx skont l-approvazzjoni minn qabel, il-BĊNi għandhom jinnotifikaw lill-BĊE minnufih.

3.   F'ċirkustanzi eċċezzjonali, il-BĊNi li jwettqu operazzjonijiet ta' self ta' titoli kontra kollateral jistgħu, meta l-parteċipanti tas-suq ma jkunx jistgħu jipprovdu titoli speċifiċi, jibagħtu wkoll it-talbiet tagħhom għall-approvazzjoni minn qabel tard fl-istess jum tard wara nofsinhar.

4.   Il-BĊE għandu jirrispondi talba tal-BĊN għal approvazzjoni minn qabel kemm jista' jkun malajr, u talba għal approvazzjoni minn qabel tard fl-istess jum minnufih. Għal operazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati fl-istess data tan-negozju jew fil-jum tax-xogħol li jmiss, il-BĊE għandu jirrispondi sal-10.15 a.m fid-data tan-negozju prevista. Għal operazzjonijiet oħrajn, il-BĊE għandu jirrispondi sas-1 p.m. fid-data tan-negozju prevista. Jekk BĊN ma jirċevix risposta sa din l-iskadenza, wara li jivverifika li l-BĊE jkun irċieva t-talba tiegħu u ma ntbagħtet l-ebda risposta, mis-1.15 p.m. għandu jassumi li dik l-approvazzjoni ngħatat.

5.   Il-BĊE għandu jikkunsidra t-talbiet kollha sabiex tiġi żgurata l-konsistenza ma' politika monetarja unika tal-Eurosistema, wara li jitqiesu kemm l-effett fuq l-operazzjoni tal-BĊN individwali kif ukoll l-effett aggregat ta' dawn l-operazzjonijiet fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Mingħajr preġudizzju għal dan, il-BĊE għandu jipprova jakkomoda t-talbiet tal-BĊNi.

Artikolu 9

Monitoraġġ

1.   Darba fis-sena il-Bord Eżekuttiv għandu jissottometti rapport lill-Kunsill Governattiv dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din il-Linja Gwida. Dan ir-rapport għandu jipprovdi informazzjoni dwar:

(a)

l-applikazzjoni tal-proċedura ta' approvazzjoni minn qabel;

(b)

prattiki tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv domestiċi tal-BĊNi;

(c)

konformità ma' din il-Linja Gwida.

2.   Fil-każ a' dubju dwar il-konformità mal-Artikolu 5(1) sa (3), il-BĊE jista' jeħtieġ informazzjoni mingħand il-BĊNi.

Artikolu 10

Kunfidenzjalità

L-informazzjoni u dejta kollha skambjati fil-kuntest tal-proċeduri ta' hawn fuq, inkluż ir-rapport tal-monitoraġġ msemmi fl-Artikolu 9 għandhom jiġu pproċessati b'mod kunfidenzjali.

Artikolu 11

Dispożizzjoni tranżitorja

Depożiti tal-gvern b'terminu fiss miżmumin mill-BĊNi għandhom ikunu suġġetti għall-Artikolu 5(1), imma għandhom jgħoddu biss għall-ammont tal-livell minimu msemmi fl-Artikolu 5(2) mill-1 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ jumejn wara li tiġi adottata.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida sal-1 ta' Diċembru 2014. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE bit-testi u l-mezzi relatati ma' dawk il-miżuri sa mhux aktar tard mill-21 ta' Frar 2013.

Artikolu 13

Indirizzati

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, l-20 ta' Frar 2014.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2011/14 tal-20 ta' Settembru 2011 dwar l-istrumenti u l-proċeduri tal-politika monetarja tal-Eurosistema (ĠU L 331, 14.12.2011, p. 1).

(2)  Linja Gwida BĊE/2003/12 tat-23 ta' Ottubru 2003 dwar it-transazzjonijiet tal-Istati Membri parteċipanti bil-bilanċi operattivi tagħhom ta' munita barranija skont l-Artikolu 31.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 3, p. 312).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jispeċifika definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 104 u 104b(1) tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 13, p. 27).

(4)  Ir-referenzi kollha huma għal Ħin Ċentrali Ewropew, li jqis il-bidla għall-Ħin tas-Sajf tal-Ewropa Ċentrali.


ANNESS I

LIVELLI MINIMI GĦALL-OPERAZZJONIJIET DOMESTIĊI FL-ATTIV U L-PASSIV TAL-BĊNI MWETTQA F'DATA WAĦDA

Livell minimu applikabbli

Seħħ tad-data ta' saldu

(operazzjonijiet netti aggregati) (1)

EUR 200 miljun;


(1)  Impatt tal-likwidità netta tal-operazzjonijiet ippjanati għall-jum li għandu jiġi rregolat f'data waħda li tikkoinċidi mad-data tan-negozju jew tiġi warajha.


ANNESS II

RAPPORT EX POST TA' KULL XAHAR TA' OPERAZZJONIJIET TA' ĠESTJONI TA' ATTIV U PASSIV DOMESTIĊI

 

Kategorija ta' operazzjoni

 

Operazzjonijiet ta' investiment

Ġestjoni ta' fond ta' pensjoni;

Attivitajiet ta' aġent

 

Self ta' titoli

Tranżazzjonijiet ta' xiri mill-ġdid;

 

Skemi ta' kreditu u depożitu

 

Obbligazzjonijiet lejn terzi

Trasferiment u sussidji

Mod tal-ġestjoni tal-operazzjoni

1.

Fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Mhux fil-karta tal-bilanċ

1.

Fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Mhux fil-karta tal-bilanċ

1.

Fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Mhux fil-karta tal-bilanċ

Numru ta' tranżazzjonijiet

nnnnnn

nnnnnn

Numru ta' tranżazzjonijiet

nnnnnn

Tip ta' operazzjoni

xxxxx

xxxxx

Numru ta' tranżazzjonijiet

nnnnnn

nnnnnn

nnnnnn

Għoti ta' titoli b'self

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

Għoti

EUR (XX) mn

Mod kif issir l-operazzjoni

1.

Fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Mhux fil-karta tal-bilanċ

1.

Fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Mhux fil-karta tal-bilanċ

Xiri

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

Teħid ta' titoli b'self

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

Teħid ta' depożiti

EUR (XX) mn

Numru ta' tranżazzjonijiet

nnnnnn

nnnnnn

Bejgħ

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

 

 

 

 

 

Ammont

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

Fidi

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

EUR (XX) mn

 

 

 

 

 

 

 

 


ANNESS III

FORMAT TAL-MESSAĠĠ GĦAL TALBIET GĦAL APPROVAZZJONI MINN QABEL TA' TRANŻAZZJONIJIET KBAR

Isem tal-varjabbli

Deskrizzjoni tal-varjabbli

Kodifikazzjoni

Qasam obbligatorju

Kodiċi tal-ID

Identifikatur uniku għal grupp ta' operazzjonijiet (jew tranżazzjonijiet ta' titoli jew tranżazzjonijiet oħrajn) li għandhom l-istess data ta' saldu u tan-negozju, li jikkonsiti minn enumerazzjoni sekwenzjali ppreċedut minn kodiċi tal-pajjiż ISO b'żewġ ċifri.

ISnn

Iġġenerat awtomatikament mill-applikazzjoni.

Data tan-negozju

Data tan-negożju tal-grupp ippjanat ta' operazzjonijiet.

ssss/xx/jj

Iva

Data tas-saldu

Data tas-saldu (jew data tal-bidu fil-każ ta' tranżazzjonijiet bil-quddiem) ta' grupp ippjanat ta' operazzjonijiet.

ssss/xx/jj

Iva

Xiri u self

Jekk titoli/strumenti oħrajn inxtraw jew ingħataw kreditu jew self ta' titoli, l-ammont kumulattiv għandu jiġi kkwotat.

EUR [SS] miljun

Le

(Jitħalla vojt jekk huma ppjanati biss tranżazzjonijiet ta' bejgħ.)

Bejgħ u teħid ta' depożiti

Jekk inbiegħu titoli/strumenti oħrajn jew ittieħdu depożiti, l-ammont kumulattiv għandu jiġi kkwotat.

EUR [XX] miljun

Le

(Jitħalla vojt jekk huma ppjanati biss tranżazzjonijiet ta' xiri.)

Impatt fuq it-tbassir tal-likwidità

Indikazzjoni tal-impatt fuq tbassir ta' likwidità għad-data ta' saldu fil-każ ta' aċċettazzjoni tat-talba, dwar it-tbassir tal-likwidità ta' kuljum tal-aħħar mibgħut lill-BĊE fit-8 a.m. Fil-każ ta' rifjut, dan il-qasam jgħin lill-BĊE jidentifika l-impatt bil-maqlub fuq tbassir ta' likwidità.

EUR [ZZ] miljun

Iva

(Jekk l-impatt totali fuq it-tbassir tal-likwidità ġie rrappurtat diġà lill-BĊE, għandu jiddaħħal żero f'din il-kaxxa.)

Tip ta' tranżazzjoni

Indikazzjoni tat-tip ta' tranżazzjoni:

1.

Tranżazzjoni ta' titoli

2.

Tranżazzjoni oħra

It-tip ta' tranżazzjoni tingħażel mill-kaxxa tal-lista li tipprovdi s-sistema.

Iva

(L-utent għandu jindika t-tip ta' tranżazzjoni.)

Kif huwa maħsub li ssir l-operazzjoni

Deskrizzjoni ta' kif huwa maħsub li jsiru l-operazzjonijiet, b'referenza għal partita minn dawn li ġejjin:

1.

Operazzjoni fuq il-karta tal-bilanċ

2.

Operazzjoni mhux fil-karta tal-bilanċ

Kif huwa maħsub li ssir l-operazzjoni tingħażel mill-kaxxa tal-lista li tipprovdi s-sistema.

Le

(L-utent huwa liberu li jindika kif huwa maħsub li ssir l-operazzjoni.)

Test ħieles

Kull informazzjoni li tista' tgħin il-funzjoni tal-ġestjoni tal-likwidità tal-BĊE għall-aċċess tal-impatt tal-likwidità netta fil-kuntest tal-analiżi tal-perijodu rilevanti u t-tbassir tal-likwidità l-iktar riċenti. Pereżempju, jekk l-impatt fuq it-tbassir tal-likwidità ma jkunx permanenti, imma jkun ser jitreġġa' lura fil-futur prevedibbli, l-utent għandu jikkummenta fil-qasam tat-test ħieles fuq l-impatt tal-likwidità lil hinn mid-data tas-saldu. L-utent jista' jagħti wkoll iktar dettalji fuq kull operazzjoni individwali, bħat-tip, id-daqs u l-għan tagħha.

Kwalunkwe kombinazzjoni ta' numri u ittri fis-sett ta' karattri predefiniti H1&H2 (1).

Le


(1)  Is-simboli permessi fil-format ta' test ħieles huma speċifikati fit-Taqsima 1.1.4.7 tal-Anness 4 tad-dokument tad-Disinn tas-Sistema H1&H2 tat-22 ta' Awwissu 1997.