ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 155

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
23 ta' Mejju 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja ( 1 )

1

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 550/2014 tal-20 ta' Mejju 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

15

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 551/2014 tat-22 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

18

 

 

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 552/2014 tat-22 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1484/95 f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet rappreżentattivi fis-setturi tal-laħam tat-tjur u tal-bajd

20

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

 

2014/298/UE

 

*

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2014 dwar il-konferma tal-applikazzjoni lill-Irlanda tal-ftehimiet rispettivi dwar ir-riammissjoni bejn l-Unjoni u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Albanija, ir-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Bożnja u Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, u l-Ġeorġja

22

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

23.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/1


DIRETTIVA 2014/61/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Mejju 2014

dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-ekonomija diġitali qed tibdel lis-suq uniku b'mod profond. Bl-innovazzjoni, il-veloċità u l-kopertura transkonfinali tagħha, din għandha l-potenzjal li ttella' l-integrazzjoni tas-suq intern għal livell ġdid. Il-viżjoni tal-Unjoni hija dik ta' ekonomija diġitali li tkun ta' ġid ekonomiku u soċjali sostenibbli, ibbażata fuq servizzi online moderni u konnessjonijiet veloċi tal-Internet. Infrastruttura diġitali ta' kwalità għolja tirfed prattikament kull settur ta' ekonomija moderna u innovattiva u għandha importanza strateġika għal koeżjoni soċjali u territorjali. Għaldaqstant, iċ-ċittadini kollha kif ukoll is-settur privat u pubbliku għandu jkollhom l-opportunità li jkunu parti mill-ekonomija diġitali.

(2)

Filwaqt li għarfu l-importanza tal-introduzzjoni tal-broadband b'veloċità għolja, l-Istati Membri approvaw il-miri ambizzjużi tal-broadband stabbiliti fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa — Nixprunaw it-tkabbir Ewropew b'mod diġitali” (“l-Aġenda Diġitali”), jiġifieri biex jiġi pprovdut broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013, u biex jiġi żgurat li, sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet ferm ogħla tal-Internet ta' aktar minn 30 Mbps u 50 % jew aktar tad- djar Ewropej jabbonaw għal konnessjonijiet tal-Internet ta' 'l fuq minn 100 Mbps.

(3)

Fid-dawl tal-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji, it-tkabbir esponenzjali fit-traffiku tal-broadband u d-domanda li qed tikber għas-servizzi elettroniċi, il-miri stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għandhom jitqiesu bħala l-minimu assolut u l-Unjoni għandha timmira għal miri aktar ambizzjużi fir-rigward tal-broadband sabiex jinkiseb aktar tkabbir, kompetittività u produttività. Fil-kuntest tar-rieżami ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk u kif din id-Direttiva tista' tikkontribwixxi aktar għal dak il-għan.

(4)

L-Aġenda Diġitali identifikat ukoll il-ħtieġa li l-politiki jnaqqsu l-ispejjeż tal-installazzjoni tal-broadband fit-territorju kollu tal-Unjoni, inkluż l-ippjanar u l-koordinazzjoni adegwati u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. F'dak ir-rigward, investimenti bil-quddiem sinifikanti għandhom isiru mill-Istati Membri sabiex tkun tista' tiġi kondiviża l-infrastruttura fiżika. Wara li jkunu kkunsidraw il-miri tal-Aġenda Diġitali, filwaqt li fl-istess ħin jirrikonoxxu t-tnaqqis sinifikanti tar-riżorsi finanzjarji ddedikati lill-broadband taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istati Membri, sabiex jilħqu l-objettivi ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu jistgħu jużaw l-fondi disponibbli tal-Unjoni f'konformità mad-dispożizzjoniijet tal-Unjoni applikabbli.

(5)

It-tnaqqis tal-ispejjeż għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja jikkontribwixxi wkoll għall-kisba tad-diġitalizzazzjoni tas-settur pubbliku li tkun tippermetti effett ta' lieva diġitali għas-setturi kollha tal-ekonomija, minbarra t-tnaqqis tal-ispejjeż għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u aktar effiċjenza fis-servizzi pprovduti liċ-ċittadini..

(6)

Filwaqt li tieħu kont tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tingħata kopertura aħjar tal-broadband, inkluż billi tonqos l-ispiża tal-infrastruttura tal-broadband b'veloċità għolja kif riflessa permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2012, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem “l-Att dwar is-Suq Uniku II” tenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex jinkisbu malajr l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Diġitali billi, fost l-oħrajn, tiġi indirizzata l-isfida ta' investiment fin-netwerk b'veloċità għolja.

(7)

L-introduzzjoni ta' netwerks fissi u mingħajr fili tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja madwar l-Unjoni teħtieġ investimenti sostanzjali, li proporzjon sinifikanti tagħhom jirrappreżenta l-ispiża tax-xogħlijiet tal-inġinerija ċivili. Ir-restrizzjoni ta' wħud mix-xogħlijiet ta' inġinerija ċivili li jiswew ħafna flus ittejjeb l-effikaċja tal-introduzzjoni tal-broadband.

(8)

Parti kbira minn dawk l-ispejjeż tista' tiġi attribwita għall-ineffiċjenzi fil-proċess tal-introduzzjoni marbut mal-użu tal-infrastruttura passiva eżistenti (bħal pereżempju kanali, pajpijiet flessibbli, toqob tal-ispezzjonar, kaxxi, lasti, arbli, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u strutturi oħra ta' appoġġ), ostakoli marbuta mal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili, proċeduri amministrattivi onerużi għall-għoti ta' permessi, u xkiel marbut mal-installazzjoni ta' netwerks fil-bini, li jwasslu għal ostakoli finanzjarji kbar, b'mod partikolari fiż-żoni rurali.

(9)

Miżuri bil-għan li jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-infrastrutturi eżistenti u li jnaqqsu l-ispejjeż u x-xkiel biex isiru xogħlijiet ġodda tal-inġinerija ċivili, għandhom jagħtu kontribut sostanzjali biex tkun żgurata l-installazzjoni rapida u estensiva ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja filwaqt li tinżamm kompetizzjoni effettiva, mingħajr ma jintlaqtu ħażin is-sikurezza, is-sigurtà u l-operazzjonijiet bla xkiel tal-infrastrutturi pubbliċi eżistenti.

(10)

Uħud mill-Istati Membri adottaw miżuri maħsuba biex inaqqsu l-ispejjeż tal-introduzzjoni tal-broadband. Madankollu dawk il-miżuri jibqgħu skarsi u mferrxin. Progress f'dawk il-miżuri madwar l-Unjoni jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-istabbiliment ta' suq uniku diġitali. Barra minn hekk, id-differenzi fir-rekwiżiti regolatorji xi drabi jipprevjenu l-kooperazzjoni fost l-utilitajiet u jistgħu jkunu ta' xkiel biex jidħlu operaturi ġodda tan-netwerks u għal opportunitajiet ġodda tan-negozju, u b'hekk ifixklu l-iżvilupp ta' suq intern għall-użu u l-installazzjoni ta' infrastrutturi fiżiċi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Fl-aħħar nett, l-inizjattivi fil-livell tal-Istati Membri mhux dejjem jidhru olistiċi, iżda huwa essenzjali li tittieħed azzjoni matul il-proċess kollu tal-introduzzjoni, u fost is-setturi, sabiex jinkiseb impatt koerenti u sinifikanti.

(11)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi ċerti drittijiet u obbligi minimi applikabbli madwar l-Unjoni sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja u l-koordinazzjoni bejn is-setturi. Filwaqt li jkunu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni minimi, dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-aqwa prattiki u miżuri eżistenti adottati fil-livell nazzjonali u f'dak lokali li jinvolvu aktar dispożizzjonijiet u kondizzjonijiet dettaljati kif ukoll miżuri addizzjonali li jikkumplementaw dawk id-drittijiet u l-obbligi, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

(12)

Fid-dawl tal-prinċipju lex specialis, meta japplikaw miżuri regolatorji aktar speċifiċi f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, dawk għandhom jieħdu preċedenza fuq id-drittijiet u l-obbligi minimi previsti f'din id-Direttiva. Għaldaqstant din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-komunikazzjoni elettronika stabbilit fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), kif ukoll id-Diretttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE (9), inklużi l-miżuri nazzjonali adottati skont dak il-qafas regolatorju, bħall-miżuri regolatorji speċifiċi simetriċi jew asimetriċi.

(13)

Jista' jkun ħafna aktar effiċjenti għall-operaturi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, b'mod partikolari membri ġodda, biex jerġgħu jużaw l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti, inklużi dawk ta' utilitajiet oħra, sabiex jintroduċu netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, b'mod partikolari f'żoni li m'għandhom ebda netwerk tal-komunikazzjoni elettronika adatt jew fejn ma jkunx ekonomikament vijabbli li tinbena infrastruttura fiżika ġdida. Barra minn hekk, is-sinerġiji bejn is-setturi jistgħu jnaqqsu b'mod sinifikanti l-ħtieġa għal xogħlijiet ċivili minħabba l-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika u għaldaqstant jitnaqqsu wkoll l-ispejjeż soċjali u ambjentali marbuta magħhom, bħat-tniġġis, l-inkonvenjenzi u l-konġestjoni tat-traffiku. Għalhekk, din id-Direttiva għandha tapplika mhux biss għall-fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni iżda wkoll għal kwalunkwe sid jew detentur tad-drittijiet għall-użu, fil-każ ta' dan tal-aħħar mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetà ta' kwalunkwe parti terza, ta' infrastrutturi fiżiċi li huma estensivi u li jinsabu kullimkien, adegwati biex jospitaw elementi ta' netwerk tal-komunikazzjoni elettronika, bħan-netwerks fiżiċi għall-provvista tal-elettriku, il-gass, l-ilma, id-dranaġġ u s-sistemi ta' dranaġġ, it-tisħin u s-servizzi ta' trasport.

(14)

Bil-ħsieb li titjieb l-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja fis-suq intern, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi drittijiet għall-fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni biex jaċċessaw l-infrastruttura fiżika irrispettivament mil-lokalità tagħha taħt termini ġusti u raġonevoli konsistenti mal-eżerċizzju normali tad-drittijiet tal-proprjetà. L-obbligu li jingħata aċċess għall-infrastruttura fiżika għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' sid l-art jew sid il-bini li fiha tinsab l-infrastruttura.

(15)

Minħabba l-livell baxx ta' diffrenzjar li għandhom, il-faċilitajiet fiżiċi ta' netwerk kemm-il darba jistgħu jilqgħu firxa wiesgħa ta' elementi tan-netwerk tal-komunikazzjoni elettronika fl-istess ħin, inklużi dawk li kapaċi jagħtu servizzi ta' aċċess tal-broadband veloċi ta' mill-inqas 30 Mbps f'konformità mal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, mingħajr ma jolqtu s-servizz ewlieni mogħti u bl-inqas spejjeż tal-adattament. Għalhekk, infrastruttura fiżika maħsuba biex tilqa' biss elementi oħra tan-netwerk mingħajr ma ssir element attiv tan-netwerk hi stess, bħal fil-każ tal-fibra skura, tista' fil-prinċipju tintuża biex tilqa' kejbils tal-komunikazzjoni elettronika, tagħmir jew kull element ieħor tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, irrispettivament mill-użu effettiv tagħha jew is-sjieda tagħha, fin-nuqqas ta' tħassib dwar is-sigurtà jew ta' preġudizzju lill-interessi kummerċjali futuri ta' sid l-infrastruttura. L-infrastruttura fiżika tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jistgħu fil-prinċipju jintużaw ukoll biex jilqgħu elementi ta' netwerks oħrajn, u għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw il-prinċipju ta' reċiproċità fil-każijiet adatti, u jippermettu lill-operaturi tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni joffru aċċess lin-netwerks tagħhom għall-installazzjoni ta' netwerks oħrajn. Mingħajr preġudizzju għall-kisba tal-interess ġenerali speċifiku marbut mal-għoti tas-servizz ewlieni, is-sinerġiji fost l-operaturi tan-netwerks għandhom jitħeġġu sabiex jagħtu kontribut għall-kisba tal-miri tal-Aġenda Diġitali fl-istess ħin.

(16)

Filwaqt li din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal kull salvagwardja speċifika meħtieġa għall-iżgurar tas-sigurtà u s-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-integrità tan-netwerks, b'mod partikolari dik ta' infrastruttura kritika, u sabiex jiġi żgurat li s-servizz ewlieni mogħti mill-operatur tan-netwerk ma jintlaqatx, b'mod partikolari fin-netwerks użati għall-provvista tal-ilma immirat għall-konsum tal-bniedem, ir-regoli ġenerali fil-leġislazzjoni nazzjonali li jipprojbixxu l-operaturi tan-netwerks milli jinnegozjaw aċċess għal infrastrutturi fiżiċi minn fornituri tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jistgħu jipprevjenu l-istabbiliment ta' suq għall-aċċess għal infrastrutturi fiżiċi. Regoli ġenerali bħal dawn għalhekk għandhom jiġu aboliti. Fl-istess ħin, il-miżuri stabbiliti f'din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu l-għoti tal-aċċess għall-infrastruttura minn operaturi tal-utilitajiet aktar attraenti billi jeskludu d-dħul li jkun ġej minn dak is-servizz mill-bażi tal-kalkolu tat-tariffi tal-utenti finali għall-attività jew attivitajiet ewlenin tagħhom, f'konformità mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.

(17)

Operatur ta' netwerk jista' jirrifjuta aċċess għal infrastrutturi fiżiċi speċifiċi għal raġunijiet oġġettivi. B'mod partikolari, infrastruttura fiżika tista' ma tkunx adattata teknikament minħabba ċirkostanzi speċifiċi marbuta ma' infrastrutturi li jkun intalab aċċess għalihom, bħan-nuqqas ta' spazju attwalment disponibbli jew minħabba ħtiġijiet futuri ta' spazju li huma murija b'mod suffiċjenti, pereżempju permezz ta' pjanijiet ta' investiment li huma pubblikament disponibbli. Bl-istess mod, f'ċirkostanzi speċifiċi, il-kondiviżjoni tal-infrastruttura tista' tipperikola s-sigurtà jew is-saħħa pubblika, l-integrità u s-sigurtà tan-netwerks, inkluża dik ta' infrastruttura kritika,jew tipperikola l-għoti ta' servizzi li jingħataw primarjament fuq l-istess infrastruttura. Barra minn hekk, meta l-operatur tan-netwerk ikun diġà jagħti aċċess lill-operaturi għall-infrastruttura fiżika tan-netwerk li jissodisfa l-ħtiġijiet ta' min qed ifittex l-aċċess, l-aċċess għall-infrastruttura fiżika sottostanti jista' jkollu impatt ekonomiku negattiv fuq il-mudell tan-negozju u l-inċentivi għall-investiment tiegħu filwaqt li possibbilment iwassal għal duplikazzjoni ineffiċjenti ta' elementi tan-netwerk. Fl-istess ħin, fil-każ tal-obbligi tal-aċċess għall-infrastruttura fiżika li huma imposti f'konformità mal-qafas regolatorju tal-Unjoni għall-komunikazzjoni elettronika, bħal dawk dwar l-impriżi li għandhom qawwa sinifikanti fis-suq, dan ikun diġà kopert mill-obbligi regolatorji speċifiċi li ma għandhomx jiġu affettwati minn din id-Direttiva.

(18)

Fejn impriżi li jipprovdu jew jawtorizzaw tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jitolbu aċċess f'żona speċifika, l-operaturi tan-netwerk għandhom jagħmlu offerta għall-użu komuni tal-faċilitajiet tagħhom skont termini u kondizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, sakemm l-aċċess ma jkunx ġie rrifjutat għal raġunijiet oġġettivi. Skont iċ-ċirkostanzi, diversi elementi jistgħu jinfluwenzaw il-kondizzjonijiet li skonthom jingħata tali aċċess, bħal: xi spejjeż addizzjonali għall-manutenzjoni u l-adattament; xi salvagwardji preventivi li jridu jiġu adottati biex jillimitaw l-impatti negattivi fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-integrità tan-netwerk; xi arranġamenti speċifiċi dwar ir-responsabbiltà f'każ ta' danni; l-użu ta' kwalunkwe sussidju pubbliku mogħti għall-bini tal-infrastruttura, inklużi termini u kondizzjonijiet speċifiċi marbuta mas-sussidju jew mogħtija skont il-liġi nazzjonali f'konformità mal-liġi tal-Unjoni;; l-abbiltà li tagħti jew tipprovdi kapaċità tal-infrastruttura li tissodisfa l-obbligi tas-servizz pubbliku; xi limitazzjonijiet li jkunu ġejjin minn dispożizzjonijiet nazzjonali bil-għan li jitħarsu l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ippjanar tal-bliet u l-irħula.

(19)

Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim matul in-negozjati kummerċjali dwar it-termini u l-kondizzjonijiet tekniċi u kummerċjali, kull parti għandha tkun tista' tappella lil korp għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-livell nazzjonali biex jimponi soluzzjoni fuq il-partijiet, sabiex jiġi evitat ir-rifjut mhux iġġustifikat li jsir qbil jew l-impożizzjoni ta' kondizzjonijiet mhux raġonevoli. Meta jkunu qed jiġu ddeterminati l-prezzijiet għall-għoti tal-aċċess, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jiżgura li l-fornitur tal-aċċess ikollu opportunità ġusta li jirkupra l-ispejjeż li jkun ġarrab biex jipprovdi aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi u kwalunkwe struttura tariffarja stabbilita sabiex tipprovdi opportunità ġusta għall-irkupru tal-ispejjeż filwaqt li jittieħed kont ta' kwalunkwe impożizzjoni ta' rimedji preċedenti minn awtorità regolatorja nazzjonali. Meta jagħmel dan, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jieħu kont ukoll tal-impatt tal-aċċess mitlub fuq il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-fornitur tal-aċċess, inklużi l-investimenti li saru mill-fornitur tal-aċċess li lilu qed jintalab l-aċċess, b'mod partikolari l-investimenti li jsiru fl-infrastruttura fiżika li għaliha qed jintalab l-aċċess. Fil-każ speċifiku tal-aċċess għal infrastrutturi fiżiċi ta' fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni, l-investimenti li saru fit-tali infrastruttura jistgħu jikkontribwixxu direttament biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda Diġitali u l-kompetizzjoni downstream tista' tiġi influwenzata minn parassitiżmu (free-riding). Għalhekk, kull obbligu tal-aċċess għandu jqis b'mod sħiħ il-vijabbiltà ekonomika ta' dawk l-investimenti skont il-profil tar-riskju tagħhom, kwalunkwe skeda ta' żmien għar-redditu fuq l-investiment, kwalunkwe impatt tal-aċċess fuq il-kompetizzjoni downstream u konsegwentement fuq il-prezzijiet u r-redditu fuq l-investiment, kwalunkwe deprezzament tal-assi tan-netwerk meta ssir it-talba għal aċċess, kwalunkwe każ ta' negozju li jirfed l-investiment, b'mod partikolari fl-infrastrutturi fiżiċi li jintużaw għall-għoti ta' servizzi tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, u kwalunkwe possibilità offruta minn qabel lil min qed ifittex l-aċċess għal użu kondiviż.

(20)

Sabiex l-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja tkun ippjanata b'mod effettiv u sabiex ikun żgurat l-aktar użu effettiv tal-infrastrutturi eżistenti li huma adattati għall-introduzzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, l-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati li jipprovdu netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni għandhom ikunu jistgħu jkollhom aċċess għal informazzjoni minima dwar l-infrastrutturi fiżiċi disponibbli fiż-żona tal-installazzjoni. Informazzjoni minima bħal din għandha tagħmilha possibbli li ssir valutazzjoni tal-potenzjal li tintuża l-infrastruttura eżistenti f'żona speċifika, kif ukoll li titnaqqas l-ħsara lil kull infrastruttura fiżika eżistenti. Fid-dawl tal-għadd ta' partijiet interessati involuti, u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dik l-informazzjoni, bejn is-setturi u l-konfini wkoll, tali informazzjoni minima għandha tkun disponibbli minn punt waħdieni ta' informazzjoni. Dak il-punt waħdieni ta' informazzjoni għandu jippermetti aċċess għall-informazzjoni minima li diġà tkun disponibbli f'format elettroniku, soġġett għal limitazzjonijiet, sabiex ikunu żgurati s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks, b'mod partikolari dawk tal-infrastruttura kritika, jew sabiex jitħarsu s-sigrieti leġittimi operazzjonali u kummerċjali.

(21)

Mingħajr ma timponi l-ebda obbligu ġdid tal-immappjar fuq l-Istati Membri, din id-Direttiva għandha tipprevedi li l-informazzjoni minima li diġà nġabret mill-korpi tas-settur pubbliku u li hija disponibbli f'format elettroniku skont l-inizjattivi nazzjonali kif ukoll skont il-liġi tal-Unjoni, bħad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), għandha tkun disponibbli, pereżempju permezz ta' hyperlink, għall-punt waħdieni ta' informazzjoni. Dak għandu jippermetti aċċess koordinat għal informazzjoni dwar l-infrastrutturi fiżiċi għall-fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni u fl-istess ħin jiżgura s-sigurtà u l-integrità ta' tali informazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura kritika nazzjonali. It-tqegħid għad-disponibbiltà ta' tali informazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta' trasparenza li diġà huma applikabbli għall-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku skont id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Meta l-informazzjoni disponibbli għas-settur pubbliku ma tiżgurax għarfien adegwat tal-infrastrutturi fiżiċi eżistenti f'żona speċifika jew ta' ċertu tip, l-operaturi tan-netwerk għandhom jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għall-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati li jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni.

(22)

Meta l-informazzjoni minima ma tkunx disponibbli mill-punt waħdieni ta' informazzjoni, għandha tiġi żgurata madankollu l-possibbiltà li l-impriżi jipprovdu netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni sabiex jitolbu direttament din l-informazzjoni speċifika mingħand kwalunkwe operatur tan-netwerk fiż-żona kkonċernata. Barra minn hekk, jekk it-talba tkun raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa minħabba l-possibilità li l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti jintużaw b'mod kondiviż jew biex jiġu kkoordinati x-xogħlijiet ċivili, l-impriżi li jipprovdu jew jawtorizzaw li jipprovdu netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni għandhom jingħataw il-possibbiltà jagħmlu stħarriġ fil-post u jitolbu informazzjoni dwar xogħlijiet ċivili ppjanati b'kondizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji u mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji adottati biex tkun żgurata s-sigurtà u l-integrità tan-netwerks kif ukoll biex jitħarsu l-kunfidenzjalità, u s-sigrieti operazzjonali u kummerċjali. Għandha tiġi mħeġġa t-trasparenza avvanzata fix-xogħlijiet ċivili ppjanati mill-operaturi tan-netwerks stess, jew permezz tal-punti waħdanin ta' informazzjoni, b'mod partikolari fiż-żoni bl-aktar utilità, billi l-operaturi awtorizzati jiġu diretti lejn informazzjoni bħal din meta tkun disponibbli.

(23)

Meta jkun hemm tilwim dwar aċċess għall-informazzjoni dwar l-infrastrutturi fiżiċi fid-dawl tal-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jkun jista' jirriżolvi tilwim bħal dan billi jieħu deċiżjoni vinkolanti. Fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet ta' korp bħal dan għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

(24)

Il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili li jirrigwardjaw l-infrastrutturi fiżiċi tista' tiżgura ffrankar sinifikanti u li titnaqqas kemm jista' jkunl-inkonvenjenza liż-żona affettwata mill-installazzjoni ta' netwerks ġodda tal-komunikazzjoni elettronika. Għal dik ir-raġuni, għandhom ikunu pprojbiti restrizzjonijiet regolatorji li bħala regola ġenerali jipprevjenu n-negozjati fost l-operaturi tan-netwerk bil-għan li jiġu kkoordinati xogħlijiet bħal dawn sabiex jiġu installati wkoll in-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Fil-każ li x-xogħlijiet ċivili ma jitħallsux minn fondi pubbliċi, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-partijiet interessati biex jikkonkludu l-ftehimiet ta' koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont il-pjanijiet ta' direzzjoni tal-investiment u tan-negozju tagħhom stess u l-iskedi ta' żmien preferuti tagħhom.

(25)

Ix-xogħlijiet ċivili ffinanzjati b'mod sħiħ jew parzjalment minn fondi pubbliċi għandu jkollhom l-għan li jiamplifikaw kemm jista' jkun l-eżitu kollettiv pożittiv, billi jisfruttaw l-esternalitajiet pożittivi ta' dawk ix-xogħlijiet bejn is-setturi u jiżguraw opportunitajiet indaqs fil-kondiviżjoni tal-infrastruttura fiżika disponibbli u ppjanata fid-dawl tal-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika. Filwaqt li l-għan ewlieni tax-xogħlijiet ċivili ffinanzjati minn fondi pubbliċi ma għandhomx jiġu milquta ħażin, talbiet fi żmien adegwat u raġonevoli għall-koordinazzjoni tal-installazzjoni ta' elementi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, inkluż dawk ikkawżati minn dewmien, u l-minimizzazzjoni tal-bidliet għall-pjanijiet oriġinali, għandhom jiġu ttrattati mill-operatur tan-netwerk li qed iwettaq, b'mod dirett jew indirett, pereżempju permezz ta' sottokuntrattur, ix-xogħlijiet ċivili ppjanati skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż marbuta mal-installazzjoni koordinata. Proċeduri speċifiċi għar-riżoluzzjoni għandhom ikunu disponibbli biex tkun żgurata r-riżoluzzjoni rapida ta' tilwim dwar in-negozjati ta' dawk il-ftehimiet ta' koordinazzjoni fuq termini proporzjonati, ġusti u mhux diskriminatorji. Dispożizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jirriżervaw il-kapaċità għal netwerks tal-komunikazzjoni elettronika anki meta ma jsirux talbiet speċifiċi, bil-għan li tintlaħaq id-domanda futura għal infrastrutturi fiżiċi biex ikun massimizzat il-valur tax-xogħlijiet ċivili, jew biex jiġu adottati miżuri li jkun fihom drittijiet simili biex issir il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili għall-operaturi ta' tipi oħrajn ta' netwerks, bħall-gass jew l-elettriku.

(26)

Jista' jkun hemm il-ħtieġa ta' għadd ta' permessi differenti għall-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jew elementi ġodda tan-netwerks, inkluż il-permessi għall-bini, l-ippjanar tal-bliet, permessi ambjentali u oħrajn, sabiex jitħarsu l-interessi ġenerali nazzjonali u tal-Unjoni. L-għadd ta' permessi meħtieġa għall-installazzjoni ta' tipi differenti tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika u l-karattru lokali tal-installazzjoni jista' jinvolvi l-applikazzjoni ta' varjetà ta' proċeduri u kondizzjonijiet. Filwaqt li jinżamm id-dritt ta' kull awtorità kompetenti li tkun involuta u żżomm il-prerogattivi tagħha fit-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-proċeduri kollha u l-kondizzjonijiet ġenerali applikabbli għax-xogħlijiet ċivili għandhom ikunu disponibbli permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni. Dan jista' jnaqqas il-kumplessità u jżid l-effiċjenza u t-trasparenza, b'mod partikolari għal membri ġodda jew operaturi iżgħar li ma jkunux attivi f'dik iż-żona. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprevedu d-dritt tal-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati li jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni li jippreżentaw it-talba tagħhom għal permess permezz ta' punt waħdieni ta' kuntatt..

(27)

Sabiex ikun żgurat li l-proċeduri tal-għoti tal-permessi ma jkunux ta' xkiel għall-investiment, u li dawn ma jkollhomx effett ħażin fuq is-suq intern, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjoni dwar jekk il-permessi mitluba għandhomx jingħataw jew le fir-rigward tal-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jew elementi ġodda tan-netwerks għandhafi kwalunkwe każ issir disponibbli sa mhux aktar tard minn erba' xhur, mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħrajn stabbiliti biex il-proċedura titwettaq b'mod adatt, li huma applikabbli għall-proċedura tal-għoti tal-permessi skont il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni. Din id-deċiżjoni tista' tkun taċita jew espliċita skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. Fejn adatt, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt għall-fornituri li jġarrbu ħsara minħabba d-dewmien min-naħa ta' awtorità kompetenti biex tagħti l-permessi fi żmien l-iskadenzi applikabbli, sabiex dawn jingħataw kumpens.

(28)

Sabiex ikun żgurat li tali proċeduri għall-għoti tal-permessi jitlestew fi żmien skadenzi raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-istabbiliment ta' diversi salvagwardji, bħal approvazzjoni taċita, jew jieħdu miżuri biex jissimplifikaw il-proċeduri għall-għoti billi, fost l-oħrajn, inaqqsu l-għadd ta' permessi meħtieġa għall-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika jew billi jeżentaw ċerti kategoriji ta' xogħlijiet ċivili żgħar jew standardizzati mill-għoti tal-permessi. L-awtoritajiet, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew dak lokali, għandhom jiġġustifikaw kull rifjut tal-għoti ta' tali permessi fi ħdan il-kompetenza tagħhom, abbażi ta' kriterji u kondizzjonijiet oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji, u proporzjonati. Dak għandu jsir mingħajr preġudizzju għal kull miżura adottata mill-Istati Membri li teżenta ċerti elementi tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, irrispettivament minn jekk ikunux passivi jew attivi, mill-għoti tal-permessi.

(29)

Il-kisba tal-miri tal-Aġenda Diġitali tirrikjedi li l-introduzzjoni tal-infrastruttura titqarreb lejn il-lokalità tal-utent finali, b'rispett sħiħ tal-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward ta' kwalunkwe limitazzjoni għad-dritt għall-proprjetà fid-dawl tal-interess ġenerali segwit. L-eżistenza ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja sal-utent finali għandha tiġi ffaċilitata filwaqt li fl-istess ħin tkun żgurata n-newtralità teknoloġika, b'mod partikolari permezz ta' infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja. Peress li l-provvista ta' kanali żgħar matul il-kostruzzjoni ta' bini għandha biss spiża inkrementali limitata, filwaqt li t-tagħmir ta' binjiet li diġà nbnew b'infrastruttura ta' veloċità għolja jista' jirrappreżenta parti sinifikanti mill-ispiża tal-installazzjoni ta' netwerk b'veloċità għolja, il-binjiet kollha ġodda jew binjiet li huma soġġetti għal rinnovament maġġuri għandhom ikunu mgħammra b'infrastruttura fiżika li biha l-utenti finali jkunu jistgħu jagħmlu konnessjoni ma' netwerks ta' veloċità għolja. Sabiex jiġu introdotti netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, binjiet ġodda b'abitazzjonijiet multipli u binjiet b'abitazzjonijiet multipli li jkunu soġġetti għal rinnovament maġġuri għandhom ikunu mgħammra b'punt ta' aċċess, li minnu l-fornitur ikun jista' jaċċessal-infrastruttura li tinsab fil-bini. Barra minn hekk, min jiżviluppa l-bini għandu jipprevedi kanali vojta li jwasslu minn kull abitazzjoni sal-punt ta' aċċess, li jinsab ġewwa jew barra l-bini b'abitazzjonijiet multipli. Jista' jkun hemm każijiet, bħal djar ġodda b'abitazzjoni waħda jew kategoriji ta' xogħlijiet ta' rinnovazzjoni fuq skala kbira f'żoni iżolati, fejn il-prospett ta' konnessjoni ta' veloċità għolja jista' jitqies, b'mod oġġettiv, bħala remot wisq biex jiġġustifika it-tagħmir ta' bini b'ta' infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja jew punt ta' aċċess, jew fejn il-bini jiġi mgħammar b'dan il-mod ikun sproporzjonat għal raġunijiet oħra ekonomiċi, ambjentali jew marbuta mal-konservazzjoni tal-patrimonju, bħal fil-każ ta' kategoriji speċifiċi ta' monumenti.

(30)

Sabiex xerrejja u kerrejja prospettivi jiġu megħjuna biex jidentifikaw bini li huwa mgħammar b'infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja u li għaldaqstant ikollu potenzjal konsiderevoli ta' ffrankar tal-ispejjeż, u sabiex tiġi promossa d-disponibbiltà tal- veloċità għolja fil-bini, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiżviluppaw tikketta volontarja “aċċess għall-broadband diġà installat” għal bini mgħammar b'infrastruttura bħal din u punt ta' aċċess f'konformità ma' din id-Direttiva.

(31)

Meta l-fornituri tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni jinstallaw netwerks ta' komunikazzjoni elettronika ta' veloċità għolja f'żona speċifika, ikun hemm ekonomiji ta' skala sinifikanti jekk dawn ikunu jistgħu jagħmlu terminazzjoni tan-netwerk tagħhom fil-punt ta' aċċess tal-bini, irrispettivament minn jekk abbonat ikunx esprima interess espliċitu għas-servizz f'dak il-mument, iżda biss jekk dan l-impatt fuq il-proprjetà privata jkun minimizzat, billi tintuża infrastruttura fiżika eżistenti u tiġi restawrata ż-żona affettwata. Meta t-terminazzjoni tan-netwerk issir fil-punt ta' aċċess, il-konnessjoni ta' klijent addizzjonali tkun tista' ssir b'inqas spejjeż sinifikanti, b'mod partikolari permezz tal-aċċess għal segment vertikali diġà installat għall-veloċità għolja fil-bini, meta dan ikun diġà jeżisti. Dak l-objettiv huwa ugwalment sodisfat meta l-bini nnifsu jkun diġà mgħammar b'netwerk tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja li għalih, l-aċċess huwa pprovdut lil kwalunkwe fornitur ta' netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni li għandu abbonat attiv fil-bini skont termini u kondizzjonijiet trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. B'mod partikolari, dak jista' jkun il-każ fi Stati Membri li jkunu ħadu miżuri abbażi tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/21/KE.

(32)

Bini ġdid għandu jkun mgħammar b'infrastruttura diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja u, fil-każ ta' bini b'abitazzjoni multipla, b'punt ta' aċċess. L-Istati Membri għandu jkollhom ċertu ammont ta' flessibbiltà sabiex jilħqu dan l-għan. F'dak ir-rigward, din id-Direttiva ma tfittix li tarmonizza r-regoli dwar l-ispejjeż relatati, inkluż dawk dwar l-irkupru tal-ispejjeż imġarrba sabiex il-bini jiġi mgħammar b'infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja u punt ta' aċċess.

(33)

Fid-dawl tal-benefiċċji soċjali li ġejjin mill-inklużjoni diġitali u b'kont meħud tal-ekonomiji ta' skala tal-installazzjoni tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, meta la jkun hemm infrastruttura diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja passiva jew attiva biex taqdi l-binjiet tal-utenti finali u lanqas alternattivi sabiex abbonat jiġi pprovdut b'netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, kull fornitur tan-netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni għandu jkollu d-dritt li jagħmel it-terminazzjoni tan-netwerk tiegħu f'bini privat bi spejjeż tiegħu, dment li l-impatt fuq il-proprjetà privata ikun minimizzat, pereżempju, jekk possibbli, billi terġa' tintuża l-infrastruttura fiżika eżistenti disponibbli fil-bini jew billi ikun żgurat restawr sħiħ taż-żoni affettwati.

(34)

F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jallokaw il-kompiti regolatorji previsti lill- awtoritajiet l-aktar adattati biex iwettquhom skont is-sistema kostituzzjonali domestika tal-attribuzzjoni tal-kompetenzi u s-setgħat u skont ir-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

(35)

Il-korp ta' soluzzjoni ta' tilwim maħtur għandu jiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza fil-konfront tal-partijiet involuti u għandu jkollu l-kompetenzi u r-riżorsi adegwati.

(36)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu pieni adatti, effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-miżuri nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

(37)

Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-punti ta' informazzjoni waħdanin previsti minn din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw riżorsi adegwati kif ukoll id-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' żona speċifika fil- punti ta' informazzjoni waħdanin fl-aqwa livell ta' aggregazzjoni fejn jistgħu jkunu żgurati effiċjenzi importanti fid-dawl tal-kompiti assenjati, inkluż fil-katast lokali. F'dak ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu jqisu s-sinerġiji possibbli u l-ekonomiji ta' skala mal-Punti ta' Kuntatt Waħdieni skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), bil-ħsieb li jibnu fuq strutturi eżistenti u jimmassimizzaw il-benefiċċji għall-utenti finali.

(38)

Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva li huma mmirati biex jiffaċilitaw l-installazzjoni ta' infrastrutturi fiżiċi adattati għal netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja madwar l-Unjoni ma jistgħux jintlaħqu sew mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba d-daqs jew l-effetti tal-azzjoni, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif jinsab f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(39)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali, il-libertà ta' twettiq ta' negozju, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv. Din id-Direttiva għandha tiġi applikata mill-Istati Membri b'konformità ma' dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita u tinċentiva l-introduzzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja billi tippromovi l-użu konġunt ta' infrastrutturi fiżiċi eżistenti u billi tippermetti installazzjoni aktar effiċjenti ta' infrastrutturi fiżiċi ġodda sabiex tali netwerks ikunu jistgħu jinfirxu bi spiża aktar baxxa.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi marbuta ma' xogħlijiet ċivili u infrastruttura fiżika, bil-għan li tapprossimizza ċerti aspetti tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri f'dawk l-oqsma.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu miżuri f'konformità mad-dritt tal-Unjoni li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi stabbiliti b'din id-Direttiva bil-għan li jintlaħaq aħjar l-għan imsemmi fil-paragrafu 1.

4.   Jekk xi dispożizzjoni ta' din id-Direttiva tkun f'konflitt ma xi dispożizzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE, id-Direttiva 2002/19/KE, id-Direttiva 2002/20/KE, id-Direttiva 2002/22/KE jew id-Direttiva 2002/77/KE, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dawk id-Direttivi għandhom ikunu prevalenti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE japplikaw.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“operatur tan-netwerk” tfisser impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni kif ukoll impriża li tipprovdi infrastruttura fiżika maħsuba biex tagħti:

(a)

servizz ta' produzzjoni, trasport jew distribuzzjoni ta':

(i)

gass,

(ii)

elettriku, inkluż dawl,

(iii)

tisħin,

(iv)

ilma, inkluż ir-rimi jew it-trattament tal-ilma mormi u d-dranaġġ, u sistemi ta' dranaġġ;

(b)

servizzi ta' trasport, inkluż linji ferrovjarji, toroq, portijiet u ajruporti;

(2)

“infrastruttura fiżika” tfisser kwalunkwe element ta' netwerk li huwa maħsub biex jospita elementi oħra ta' netwerk mingħajr ma jsir huwa nnifsu element attiv tan-netwerk, bħal pajpijiet, arbli, kanali, kmamar tal-ispezzjoni, toqob tal-ispezzjoni, kaxxi, binjiet jew daħliet għal binjiet, installazzjonijiet tal-antenni, torrijiet u arbli; cables, inkluż fibra skura, kif ukoll elementi ta' netwerks użati għall-għoti ta' ilma tax-xorb maħsub għall-konsum mill-bnedmin, kif definit fil-punt 1 fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (13) mhumiex infrastruttura fiżika fis-sens ta' din id-Direttiva;

(3)

“netwerk tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni elettronika li kapaċi jwassal servizzi ta' aċċess tal-broadband b'veloċità mill-inqas ta' 30 Mbps.:

(4)

“xogħlijiet ċivili” tfisser kull eżitu tax-xogħlijiet ta' bini jew inġinerija ċivili kollha flimkien li jkunu biżżejjed minnhom innifishom biex iwettqu funzjoni ekonomika jew teknika u li jkunu jinkludu element wieħed jew ħafna ta' infrastruttura fiżika;

(5)

“korp tas-settur pubbliku” tfisser Stat, awtorità reġjonali jew lokali, korp irregolat mid-dritt pubbliku jew assoċjazzjoni maħluqa minn awtorità waħda jew bosta awtoritajiet bħal dawn jew korp wieħed jew bosta korpi bħal dawn irregolati mid-dritt pubbliku;

(6)

“korpi rregolati mid-dritt pubbliku” tfisser korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:

(a)

huma stabbiliti għall-iskop speċifiku biex jaqdi ħtiġijiet fl-interess ġenerali, li ma jkollux natura industrijali jew kummerċjali;

(b)

għandhom personalità ġuridika; u

(c)

huma ffinanzjati, kollha jew fil-biċċa l-kbira, mill-Istat, jew awtoritajiet reġjonali jew lokali, jew korpi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku, jew huma soġġetti għal superviżjoni tal-ġestjoni minn dawk l-awtoritajiet jew korpi, jew għandhom bord amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju, li aktar minn nofs il-membri tiegħu jkunu maħtura mill-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali jew minn korpi oħrajn irregolati mid-dritt pubbliku;

(7)

“infrastruttura fiżika fil-bini” tfisser infrastruttura fiżika jew installazzjonijiet fiżiċi fil-post tal-utent aħħari, inkluż elementi b'sjieda konġunta, maħsuba biex tilqa' netwerks ta' aċċess bil-wajer u/jew mingħajru, meta dawn in-netwerks ta' aċċess ikunu jifilħu jagħtu servizzi ta' komunikazzjoni elettronika u jqabbdu l-punt ta' aċċess tal-bini mal-punt ta' terminazzjoni tan-netwerk;

(8)

“infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja” tfisser infrastruttura fiżika fil-bini maħsuba biex tilqa' elementi jew tippermetti t-twettiq ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja;

(9)

“xogħlijiet kbar ta' rinnovazzjoni” tfisser xogħlijiet ta' bini jew inġinerija ċivili fil-post fejn jinsab l-utent aħħari li jkunu jinkludu bidliet strutturali tal-infrastruttura fiżika kollha fil-bini jew parti sinifikanti minnha, u li jkunu jeħtieġu permess ta' bini;

(10)

“permess” tfisser deċiżjoni espliċita jew impliċita ta' awtorità kompetenti wara kwalunkwe proċedura li fiha impriża tintalab tieħu passi sabiex legalment tagħmel xogħlijiet ta' bini jew inġinerija civili;

(11)

“punt ta' aċċess” tfisser punt fiżiku, li jkun jinsab ġewwa jew barra l-bini, aċċessibbli għall-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni, li permezz tiegħu tkun tista' ssir disponibbli infrastruttura diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja.

Artikolu 3

Aċċess għall-infrastruttura fiżika eżistenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tan-netwerk ikollu d-dritt li joffri lil impriżi awtorizzati li jipprovdu jew li huma awtorizzati jipprovdu netwerks ta' komunikazzjoni elettronika, aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Min-naħa tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu d-dritt li operaturi ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni joffru aċċess għall-infrastruttura fiżika tagħhom bil-ħsieb li jiġu installati netwerks li mhumiex netwerks ta' komunikazzjoni elettronika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta impriża awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni tagħmel talba bil-miktub, kwalunkwe operatur tan-netwerk ikollu l-obbligu li jwieġeb għat-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess għall-infrastruttura fiżika tiegħu skont termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli, inkluż il-prezz, bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Tali talba bil-miktub għandha tispeċifika l-elementi tal-proġett li għalih ikun intalab aċċess, inkluż perijodu ta' żmien speċifiku.

3.   L-Istati Membri għandhom jitolbu li kull ċaħda ta' aċċess tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u proporzjonati, bħal:

(a)

l-adegwatezza teknika tal-infrastruttura fiżika li għaliha jkun intalab aċċess biex tilqa' xi wieħed mill-elementi tan-netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja msemmija fil-paragrafu 2;

(b)

id-disponibbiltà tal-ispazju biex jilqa' l-elementi tan-netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja msemmija fil-paragrafu 2; inkluż ħtiġijiet futuri ta' spazju tal-operatur tan-netwerk li huma murija b'mod suffiċjenti;

(c)

tħassib dwar is-sikurezza u s-saħħa pubblika;

(d)

l-integrità u s-sigurtà ta' kwalunkwe netwerk, b'mod partikolari ta' infrastruttura nazzjonali kritika;

(e)

ir-riskju ta' interferenzi serji tas-servizzi ppjanati ta' komunikazzjoni elettronika mal-għoti ta' servizzi oħra fuq l-istess infrastruttura fiżika;

(f)

id-disponibbiltà ta' mezzi alternattivi vijabbli ta' aċċess bl-ingrossa għall-infrastruttura fiżika tan-netwerk ipprovduti mill-operatur tan-netwerk u adegwati għall-forniment ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, dejjem jekk dan l-aċċess jiġi offrut skont termini u kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur tan-netwerk jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba kompluta għal aċċess.

4.   Meta l-aċċess jiġi miċħud jew ftehim dwar termini u kundizzjonijiet speċifiċi, fosthom il-prezz, ma jkunx intlaħaq fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba għal aċċess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull parti tkun intitolata li tirreferi l-kwistjoni lill-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

5.   L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 4, biex joħroġ, filwaqt li jieħu kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità, deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwim mibdi skont il-paragrafu 4, inkluż l-istabbiliment ta' termini u kundizzjonijiet, inklużi prezzijiet ġusti u raġonevoli fejn xieraq.

Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jsolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien erba' xhur mid-data tar-riċevuta tat-talba kompluta għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

Meta t-tilwim jirrigwarda l-aċċess għall-infrastruttura ta' fornitur ta' netwerk ta' komunikazzjoni elettronika u l-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim ikun awtorità regolatorja, huwa għandu, fejn adatt, jikkunsidra l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE. Kwalunkwe prezz deċiż mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandu jiżgura li l-fornitur tal-aċċess ikollu opportunità ġusta biex iġib lura l-ispejjeż tiegħu u għandu jqis l-impatt tal-aċċess mitlub fuq il-pjan ta' negozju tal-fornitur tal-aċċess, inkluż l-investimenti magħmula mill-operatur tan-netwerk li lilu ssirlu t-talba għal aċċess, b'mod partikolari fl-infrastrutturi fiżiċi li jintużaw għall-għoti tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja.

6.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-infrastruttura fiżika f'każijiet fejn l-operatur tan-netwerk ma jkunx is-sid, u għad-dritt għall-proprjetà ta' kwalunkwe parti terza oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien ta' proprjetà privata.

Artikolu 4

Trasparenza fir-rigward tal-infrastruttura fiżika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sabiex jitolbu aċċess għal infrastruttura fiżika f'konformità mal-Artikolu 3(2), kull impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni jkollha d-dritt ta' aċċess, fuq talba, għall-informazzjoni minima dwar l-infrastruttura fiżika eżistenti ta' kwalunkwe operatur tan-netwerk:

(a)

fejn tinsab, u r-rotta;

(b)

it-tip u l-użu attwali tal-infrastruttura; u

(c)

punt ta' kuntatt.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriża li titlob aċċess tispeċifika ż-żona li fiha hemm imbassar l-installazzjoni ta' elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-aċċess għall-informazzjoni minima jiġi limitat biss meta jitqies meħtieġ fid-dawl tas-sigurtà tan-netwerks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, il-kunfidenzjalità jew sigrieti operazzjonali u kummerċjali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jesiġu li kull korp tas-settur pubbliku li jkollu, f'format elettroniku, minħabba l-kompiti tiegħu, elementi tal-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 dwar l-istruttura fiżika ta' operatur tan-netwerk jagħti din l-informazzjoni permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi qabel l-1 ta' Jannar 2017, u l-Istati Membri għandhom jesiġu li tali korpi tas-settur pubbliku jagħmluha disponibbli, fuq talba, għall-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet skont il-paragrafu 1. Kwalunkwe aġġornament ta' dik l-informazzjoni u kwalunkwe element ġdid tal-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 li jirċievi l-korp tas-settur pubbliku għandhom ikunu disponibbli għall-punt waħdieni ta' informazzjoni fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tagħha. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b'mhux aktar minn xahar, meta dan ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta.

3.   Informazzjoni minima li ssir disponibbli għal punt waħdieni ta' informazzjoni skont il-paragrafu 2 għandha tkun aċċessibbli minnufih, permezz ta' punt waħdieni ta' informazzjoni, f'format elettroniku skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-aċċess għall-informazzjoni minima skont dan il-paragrafu jsir disponibbli permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni mill-1 ta' Jannar 2017.

4.   Meta l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx disponibbli permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi tan-netwerk jagħtu aċċess għal din l-informazzjoni fuq it-talba speċifika bil-miktub ta' impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika. Tali talba għandha tispeċifika ż-żona li fiha hu mbassar li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. L-aċċess għall-informazzjoni għandu jingħata fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba bil-miktub skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet skont il-paragrafu 1.

5.   Fuq it-talba speċifika bil-miktub ta' impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika, l-Istati Membri għandhom jesiġuli l-operaturi tan-netwerk iwieġbu għal talbiet raġonevoli għal stħarriġ fuq il-post ta' elementi speċifiċi tal-infrastruttura fiżika tagħhom. Tali talba għandha tispeċifika l-elementi tan-netwerk ikkonċernat bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. L-istħarriġ fuq il-post tal-elementi tan-netwerk speċifikat għandhom jingħataw fi żmien xahar mid-data tar-riċevuta tat-talba bil-miktub skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet skont il-paragrafu 1.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każ ta' tilwim li jirriżulta b'rabta mad-drittijiet u l-obbligi previsti f'dan l-Artikolu, kull waħda mill-partijiet ikollha d-dritt tirreferi t-tilwim lil korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, filwaqt li jqis għalkollox il-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu joħroġ deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn, għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

7.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi previsti fil-paragrafi 1 sa 5 fil-każ li l-infrastrutturi fiżiċi eżistenti jitqiesu li mhumiex teknikament adegwati biex jiġu installati netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja jew fil-każ ta' infrastruttura nazzjonali kritika. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu debitament motivati. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta' eżenzjonijiet fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata dwar kwalunkwe eżenzjoni bħal din.

8.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati biex jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni, li jiksbu aċċess għal informazzjoni skont dan l-Artikolu, jieħdu miżuri adatti biex jiżguraw rispett lejn il-kunfidenzjalità u s-sigrieti operazzjonali u kummerċjali.

Artikolu 5

Koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tan-netwerk ikollu d-dritt li jinnegozja ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili ma' impriżi li jipprovdu jew li huma awtorizzati li jipprovdu netwerks ta' komunikazzjoni elettronika bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur tan-netwerk li direttament jew indirettament jagħmel xogħlijiet ċivili ffinanzjati kollha jew parzjalment minn flus il-poplu iwieġeb għal kwalunkwe talba raġonevoli biex jikkoordina xogħlijiet ċivili fuq termini trasparenti u mhux diskriminatorji, magħmula minn impriżi li jipprovdu jew jawtorizzaw li jipprovdu netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Tali talba għandha tiġi sodsifata dment li:

(a)

Din ma tkunx tinvolvi xi spejjeż żejda, inkluż minħabba dewmien addizzjonali, għax-xogħlijiet ċivili maħsuba fil-bidu;

(b)

din ma tkunx timpedikontroll fuq il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet; u

(c)

it-talba għal koordinazzjoni ssir minnufih u fi kwalunkwe każ tal-anqas xahar qabel il-proġett finali jitressaq quddiem l-awtoritajiet kompetenti għall-għoti ta' permessi.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu regoli dwar it-tqassim tal-ispejjeż assoċjati mal-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili.

3.   Meta ma jintlaħaqx ftehim dwar il-koordinazzjoni tax-xogħlijiet ċivili skont il-paragrafu 2 fi żmien xahar mid-data tar-riċevuta tat-talba formali għal negozjati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe parti jkollha d-dritt li tirreferi l-kwistjoni lill-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim imsemmi fil-paragrafu 3, joħroġ, filwaqt li jqis għalkollox il-prinċipju tal-proporzjonalità, deċiżjoni biex isolvi t-tilwim mibdi skont il-paragrafu 3, inkluż l-istabbiliment ta' termini, kundizzjonijiet u imposti ġusti u mhux diskriminatorji fejn xieraq.

Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba kompluta, għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għal kull parti tirreferi l-każ lil qorti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi previsti f'dan l-Artikolu għal xogħlijiet ċivili ta' importanza insinifikantipereżempju fir-rigward ta' valur, daqs jew it-tul ta' żmien, jew fil-każ ta' infrastruttura nazzjonali kritika. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu debitament motivati. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta' eżenzjonijiet fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata dwar kwalunkwe eżenzjoni bħal din.

Artikolu 6

Trasparenza dwar xogħlijiet ċivili ppjanati

1.   Sabiex jiġu nnegozjati ftehimiet dwar il-koordinazzjoni ta' xogħlijiet ċivili msemmja fl-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jesiġu li kwalunkwe operatur tan-netwerk jagħmel disponibbli fuq it-talba speċifika bil-miktub ta' impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni s-sett li ġej ta' informazzjoni minima dwar xogħlijiet ċivili li għaddejjin jew li huma ppjanati marbutin mal-infrastruttura fiżika tiegħu li għaliha ngħata permess, li għaliha l-proċedura tal-għoti ta' permessi tkun pendenti jew li jkun previst li titressaq għall-ewwel darba quddiem l-awtoritajiet kompetenti għall-għoti ta' permessi fis-sitt xhur segwenti:

(a)

il-post u t-tip ta' xogħlijiet;

(b)

l-elementi tan-netwerk involuti;

(c)

id-data stmata meta ser jibdew ix-xogħlijiet u kemm ser idumu; u

(d)

punt ta' kuntatt.

It-talba ta' impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni għandha tispeċifika ż-żona li fiha hu mbassara li jiġu installati elementi ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja. Fi żmien ġimagħtejn mid-data ta' rievuta tat-talba bil-miktub, l-operaturi tan-netwerk għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba skont termini proporzjonati, mhux diskriminatorji u trasparenti. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-aċċess għall-informazzjoni minima jiġi limitat biss meta jitqies meħtieġ fid-dawl tas-sigurtà tan-netwerks u l-integrità tagħhom, is-sigurtà nazzjonali, is-saħħa jew is-sikurezza pubblika, il-kunfidenzjalità jew sigrieti operazzjonali u kummerċjali.

2.   L-operatur tan-netwerk jista' jirrifjuta t-talba skont il-paragrafu 1, jekk:

(a)

l-informazzjoni mitluba jkun għamilha disponibbli pubblikament f'format elettroniku; jew

(b)

l-aċċess għal din l-informazzjoni jkun żgurat mill-punt waħdieni ta' informazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur tan-netwerk jagħmel l-informazzjoni minima msemmija fil-paragrafu 1 disponibbli permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' tilwim li jirriżulta minħabba d-drittijiet u l-obbligi previsti f'dan l-Artikolu, kull parti għandu jkollha d-dritt tirreferi l-każ lil korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, filwaqt li jqis għalkollox il-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu joħroġ deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u f'kull każ fi żmien xahrejn, għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti li tirreferi l-każ lil qorti.

5.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi previsti f'dan l-Artikolu għal xogħlijiet ċivili ta' valur insinifikanti jew fil-każ ta' infrastruttura nazzjonali kritika. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu debitament motivati. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta' eżenzjonijiet fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata b'kull eżenzjoni ta' dan it-tip.

Artikolu 7

Proċedura tal-għoti ta' permessi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri applikabbli tal-għoti ta' permessi għal xogħlijiet ċivili meħtieġa bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja, inkluż kwalunkwe informazzjoni dwar eżenzjonijiet applikabbli għal dawn l-elementi fejn jidħlu xi wħud mill-permessi jew il-permessi kollha li jitlob id-dritt nazzjonali tkun disponibbli permezz tal-punt waħdieni ta' informazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt li kull impriża li tipprovdi jew li hija awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni tressaq, b'mezzi elettroniċi permezz ta' punt waħdieni ta' informazzjoni, applikazzjonijiet għall-permessi li jkun hemm bżonn għax-xogħlijiet ċivili bil-ħsieb li jiġu installati elementi ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jagħtu jew jiċħdu l-permessi fi żmien erba' xhur mid-data tar-riċevuta tat-talba kompluta għall-permess, mingħajr preġudizzju għal skadenzi jew obbligi speċifiċi oħrajn stabbiliti għat-twettiq xieraq tal-proċedura, li huma applikabbli għall-proċedura tal-għoti ta' permessi skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, jew ta' proċedimenti ta' appell. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, b'mod eċċezzjonali, f'każijiet debitament ġustifikati, l-iskadenza tista' tiġi estiża. Kwalunkwe estensjoni għandha tkun kemm jista' jkun qasira sabiex jingħata jew jinċaħad il-permess. Kull ċaħda għandha tiġi debitament ġustifikata skont kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull impriża li tipprovdi jew li hi awtorizzata biex tipprovdi netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni elettronika li tkun saritilha ħsara minħabba n-nuqqas ta' konformità mal-iskadenzi applikabbli skont il-paragrafu 3 jkollha d-dritt li tieħu kumpens għall-ħsara mġarrba, skont id-dritt nazzjonali.

Artikolu 8

Infrastruttura fiżika fil-bini

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet kollha li jkunu għadhom kif inbnew fil-post tal-utent aħħari, inklużi l-elementi tagħhom taħt sjieda konġunta, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permessi ta' bini wara l-31 ta' Diċembru 2016, ikunu mgħammra b'infrastruttura fiżika diġà installata fil-bini għal broadband b'veloċità għolja, sal-punti ta' terminazzjoni tan-netwerk. L-istess obbligu japplika meta jsir xogħol kbir ta' rinnovazzjoni li għalih ikunu tressqu applikazzjonijiet għall-permess ta' bini wara l-31 ta' Diċembru 2016.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-binjiet kollha li jkunu għadhom kif inbnew b'aktar minn abitazzjoni waħda, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permessi ta' bini wara l-31 ta' Diċembru 2016, ikunu mgħammra b'punt ta' aċċess. L-istess obbligu japplika meta jsiru xogħlijiet kbar ta' rinnovazzjoni fejn jidħlu binijiet b'aktar minn abitazzjoni waħda, li għalihom ikunu tressqu applikazzjonijiet għal permess ta' bini wara l-31 ta' Diċembru 2016.

3.   Binjiet mgħammra f'konformità ma' dan l-Artikolu għandhom ikunu eliġibbli biex jirċievu t-tikketta volontarja “broadband diġà installat” fl-Istati Membri li għażlu li jintroduċu din it-tikketta.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eżenzjonijiet mill-obbligi previsti fil-paragrafu 1 u 2 għal kategoriji ta' binijiet, b'mod partikolari djar b'abitazzjoni waħda, jew xogħol kbir ta' rinnovazzjonif'każijiet li fihom i t-twettiq ta' dawk l-obbligi jkun sproporzjonat, pereżempju fir-rigward tal-ispejjeż għal sidien individwali jew konġunti jew fir-rigward tat-tip ta' bini, bħall-kategoriji speċifiċi ta' monumenti, bini storiku, villeġġjaturi, bini militari jew bini ieħor użat għall-finijiet ta' sigurtà nazzjonali. Tali eżenzjonijiet għandhom ikunu debitament motivati. Il-partijiet interessati għandhom jingħataw l-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta' eżenzjonijiet fi żmien raġonevoli. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata bi kwalunkwe eżenzjoni ta' dan it-tip.

Artikolu 9

Aċċess għall-infrastruttura fiżika fil-bini

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġett għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, kull fornitur ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni jkollu d-dritt li jintroduċi n-netwerk tiegħu bi spejjeż għalih, sal-punt ta' aċċess.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, soġġett għall-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, kull fornitur ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni jkollu d-dritt li jaċċessa kwalunkwe infrastruttura fiżika eżistenti fil-bini bil-ħsieb li jiġi installat netwerk ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja jekk id-duplikazzjoni tkun teknikament impossibbli jew ekonomikament ineffiċjenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe detentur ta' dritt għall-użu tal-punt ta' aċċess u tal-infrastruttura fiżika fil-bini jissodisfa t-talbiet raġonevoli kollha għal aċċess minn fornituri ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni b'termini u kundizzjonijiet ġusti u mhux diskriminatorji, inkluż il-prezz, fejn adatt.

Meta ma jintlaħaqx qbil dwar l-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 jew 2 fi żmien xahrejn mid-data tar-riċevuta tat-talba formali għal aċċess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull parti jkollha d-dritt li tirreferi l-kwistjoni lill-korp nazzjonali kompetenti għas-soluzzjoni tat-tilwim biex dan jivvaluta l-konformità mar-rekwiżiti previsti f'dawk il-paragrafi. Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim, filwaqt li jqis għalkollox il-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu joħroġ deċiżjoni vinkolanti biex isolvi t-tilwim fl-iqsar żmien possibbli u fi kwalunkwe każ fi żmien xahrejn, għajr f'ċirkostanzi eċċezzjonali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li xi parti tirreferi l-każ lil qorti.

4.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-paragrafi 1 sa 3 għal binjiet fejn ikun żgurat b'termini u kundizzjonijiet oġġettivi, trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji, aċċess għal netwerk eżistenti li t-terminazzjoni tiegħu tkun fejn jinsabu l-utenti aħħarin u li hi xierqa għall-forniment ta' servizzi ta' komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja.

5.   Fin-nuqqas ta' infrastruttura diġà installata fil-bini għal broadband veloċità għolja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull fornitur ta' netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni jkollu d-dritt li jtemm in-netwerk tiegħu fil-bini tal-abbonat, soġġett għall-qbil tal-abbonat, dment li dan inaqqas kemm jista' jkun l-impatt fuq il-proprjetà privata ta' partijiet terzi.

6.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà tas-sid tal-punt ta' aċċess jew tal-infrastruttura fiżika fil-bini f'każijiet fejn id-detentur ta' dritt għall-użu ta' dik l-infrastruttura jew dak il-punt ta' aċċess ma jkunx is-sid, u għad-dritt għall-proprjetà ta' partijiet terzi oħra, bħas-sidien tal-artijiet u s-sidien tal-bini.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar kumpens finanzjarju adegwat lil persuni li jġarrbu ħsara b'riżultat tal-eżerċizzju tad-drittijiet previsti f'dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Korpi kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kompitu assenjat lill-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jitwettaq minn korp kompetenti wieħed jew aktar.

2.   Il-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim maħtur minn Stat Membru skont il-paragrafu 1 għandu jkun legalment distint u funzjonalment indipendenti minn kwalunkwe operatur tan-netwerk. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim jkun jista' jimponi tariffi sabiex ikopri l-ispejjeż tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilu.

3.   L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-partijiet kollha jikkooperaw mal-korp nazzjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korp kompetenti wieħed jew aktar f'livell nazzjonali, reġjonali jew lokali biex iwettaq il-funzjonijiet tal-punt waħdieni ta' informazzjoni msemmi fl-Artikoli 4, 6 u 7. Sabiex jiġu koperti l-ispejjeż għat-twettiq ta' dawk il-funzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li jiġu imposti tariffi għall-użu ta' punti waħdanin ta' informazzjoni.

5.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-identità ta' kull korp kompetenti f'konformità ma' dan l-Artikolu biex iwettaq funzjoni skont din id-Direttiva sal-1 ta' Lulju 2016 u bi kwalunkwe modifika fih, qabel ma din il-ħatra jew il-modifika tidħol fis-seħħ.

6.   Kull deċiżjoni li tkun ittieħdet minn xi wieħed mill-korpi kompetenti msemmija f'dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għal appell quddiem qorti skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tal-miżuri nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu adegwati, effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 12

Rieżami

Sal-1 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun fih sommarju tal-impatt tal-miżuri previsti b'din id-Direttivau valutazzjoni tal-progress li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu, inkluż jekk u kif id-Direttiva tista' tkompli tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri aktar ambizzjużi rigward il-broadband minn dawk stabbiliti fl-Aġenda Diġitali.

Artikolu 13

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sal-1 ta' Jannar 2016. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Lulju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif isiru tali referenzi għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 102.

(2)  ĠU C 280, 27.9.2013, p. 50.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2014.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010, (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

(5)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).

(6)  Id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7).

(7)  Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21).

(8)  Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51).

(9)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta' Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU L 249, tas-17.9.2002, p. 21).

(10)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(11)  Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(12)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(13)  Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

23.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/15


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 550/2014

tal-20 ta' Mejju 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda mehmuża mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kull subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat (imsejjaħ “individwatur bi fjamma”) li jikkonsisti f'sensuri infra-ħomor u ultra-vjola passivi, filtru ottiku, unità tal-valutazzjoni, tliet rilejs ta' produzzjoni (allarmi tan-nar, rilej ta' ħsara u awżiljarju) u LED dwar l-istatus bi tliet kuluri (li jindikaw operazzjoni normali, kundizzjoni ta' nar u ħsara), f'kisi estern ċilindriku b'dijametru ta' madwar 12 cm u tul ta' madwar 25 cm. Il-firxa operattiva tiegħu hija minn 18 sa 30 V Kurrent Dirett.

L-apparat huwa komponent ta' sistema tal-allarm tan-nar. Is-sensuri jidentifikaw simultanjament ir-radjazzjoni infra-ħamra u ultra-vjola emessa minn nar. Jekk ir-radjazzjoni emessa hija 'l fuq minn ċertu limitu, l-apparat jibgħat sinjal elettriku permezz tar-rilej tal-allarm tan-nar lill-apparat tal-allarm tan-nar. L-apparat tal-allarm tan-nar mhuwiex inkluż mal-preżentazzjoni.

8536 50 19

Il-klassifikazzjoni hija determinata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u bil-kliem tal-kodiċi NM 8536 , 8536 50 u 8536 50 19 .

Il-klassifikazzjoni bħala apparat tas-sinjalar tal-elettriku jew tal-ħoss taħt l-intestatura 8531 hija eskluża minħabba li l-apparat ma għandux kapaċità tal-allarm awtonomu (ara wkoll in-Noti ta' Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8531 , grupp (H) tat-tielet paragrafu).

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8537 bħala apparat mgħammar b'żewġ tipi ta' apparat jew aktar tal-intestatura 8535 jew 8536 hija wkoll eskluża minħabba li l-apparat huwa biss mgħammar b'apparat tal-intestatura 8536 tal-istess tip (tliet rilejs) (ara wkoll l-HSEN tal-intestatura 8537 , esklużjoni (b)).

L-apparat jidentifika biss li l-livell ta' radjazzjoni emessa minn nar huwa 'l fuq minn ċertu limitu, mingħajr ma jindika ammont eżatt. L-identifikazzjoni ta' bidliet fir-radjazzjoni mhijiex l-istess bħal kejl jew iċċekkjar tal-kwantitajiet ta' sħana. Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9027 bħala strumenti jew apparat għall-kejl jew l-iċċekkjar tal-kwantitajiet ta' sħana hija għalhekk eskluża wkoll.

L-apparat għandu l-funzjoni ta' swiċċ awtomatiku u għalhekk jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8536 50 19 bħala swiċċijiet oħrajn għal vultaġġ mhux aktar minn 60 V.


23.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/18


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 551/2014

tat-22 ta’ Mejju 2014

li jistabbilixxi l-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS unika) (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tas-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-frott u l-ħxejjex ipproċessati (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 136(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jistipula, skont ir-riżultat tan-negozjati kummerċjali multilaterali taċ-Ċiklu tal-Urugwaj, il-kriterji li bihom il-Kummissjoni tiffissa l-valuri standard għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, għall-prodotti u għall-perjodi stipulati fl-Anness XVI, il-Parti A tiegħu.

(2)

Il-valur standard tal-importazzjoni huwa kkalkulat kull ġurnata tax-xogħol skont l-Artikolu 136(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, billi jqis id-dejta varjabbli ta' kuljum. Għalhekk dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-valuri standard tal-importazzjoni msemmija fl-Artikolu 136 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huma stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.


ANNESS

Il-valuri standard tal-importazzjoni għad-determinazzjoni tal-prezz ta' dħul ta' ċertu frott u ħxejjex

(EUR/100 KG)

Kodiċi tan-NM

Kodiċi tal-pajjiż terz (1)

Valur standard tal-importazzjoni

0702 00 00

AL

59,1

MA

39,6

MK

58,8

TR

50,7

ZZ

52,1

0707 00 05

AL

36,9

MK

42,5

TR

124,2

ZZ

67,9

0709 93 10

TR

113,5

ZZ

113,5

0805 10 20

EG

45,2

IL

74,1

MA

42,5

TR

49,7

ZA

53,8

ZZ

53,1

0805 50 10

TR

111,2

ZA

141,8

ZZ

126,5

0808 10 80

AR

102,7

BR

91,6

CL

92,8

CN

124,0

MK

26,7

NZ

152,2

US

200,5

UY

70,3

ZA

103,2

ZZ

107,1


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi “ZZ” jirrappreżenta “ta' oriġini oħra”.


23.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/20


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 552/2014

tat-22 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1484/95 f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet rappreżentattivi fis-setturi tal-laħam tat-tjur u tal-bajd

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 183(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1484/95 (2) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' sistema ta' dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali ta l-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd [ovalbumina].

(2)

Minn kontrolli regolari tal-informazzjoni li tipprovdi l-bażi għad-determinazzjoni tal-prezzijiet rappreżentattivi għall-prodotti tas-setturi tal-laħam tat-tjur u tal-bajd kif ukoll għall-ovalbumina, jirriżulta li l-prezzijiet rappreżentattivi għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti għandhom ikunu emendati biex jitqiesu l-varjazzjonijiet fil-prezzijiet skont l-oriġini.

(3)

B'riżultat ta' dan ir-Regolament (KE) Nru 1484/95 għandu jiġi emendat.

(4)

Minħabba l-ħtieġa li jiġi żgurat li din il-miżura tapplika kemm jista' jkun malajr wara li d-dejta aġġornata ssir disponibbli, jeħtieġ li r-Regolament preżenti jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1484/95 għandu jinbidel bit-test li jidher fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU L 145, 29.6.1995, p. 47.


ANNESS

“ANNESS I

Kodiċi tan-NM

Isem il-merkanzija

Prezz rappreżentattiv

(f'EUR/100 kg)

Garanzija msemmija fl-Artikolu 3(3)

(f'EUR/100 kg)

Oriġini (1)

0207 12 10

Karkassi tat-tiġieġ preżentazzjoni 70 %, iffriżati

118,5

0

AR

0207 12 90

Karkassi tat-tiġieġ preżentazzjoni 65 %, iffriżati

130,3

0

AR

144,3

0

BR

0207 14 10

Qatgħat dissussati ta' sriedak jew ta' tiġieġ, iffriżati

286,0

4

AR

219,8

24

BR

324,5

0

CL

253,5

14

TH

0207 14 60

Koxox tat-tiġieġ, iffriżati

138,5

1

BR

0207 27 10

Qatgħat dissussati tad-dundjani, iffriżati

314,6

0

BR

326,4

0

CL

0408 91 80

Bajd, mhux fil-qoxra, imnixxef

422,2

0

AR

1602 32 11

Preparazzjonijiet nejjin ta' sriedak u tiġieġ

246,6

12

BR


(1)  In-nomenklatura tal-pajjiżi ffissata mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1833/2006 (ĠU L 354, 14.12.2006, p. 19). Il-kodiċi ‘ZZ’ jirrappreżenta oriġini ‘oħra’.”


DEĊIŻJONIJIET

23.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 155/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Mejju 2014

dwar il-konferma tal-applikazzjoni lill-Irlanda tal-ftehimiet rispettivi dwar ir-riammissjoni bejn l-Unjoni u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Albanija, ir-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka, il-Federazzjoni Russa, ir-Repubblika tal-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja, il-Bożnja u Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, u l-Ġeorġja

(2014/298/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 331(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni kkonkludiet il-ftehimiet dwar l-ammissjoni mill-ġdid mar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/424/KE (1), mar-Repubblika tal-Albanija bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/809/KE (2), mar-Repubblika Demokratika Soċjalista tas-Sri Lanka bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/372/KE (3), mal-Federazzjoni Russa bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/341/KE (4), mar-Repubblika tal-Montenegro bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/818/KE (5), mar-Repubblika tas-Serbja bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/819/KE (6), mal-Bożnja u Ħerzegovina bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/820/KE (7), ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/817/KE (8), mar-Repubblika tal-Moldova bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/826/KE (9), mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/649/UE (10) u mal-Ġeorġja bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/118/UE (11).

(2)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda ma pparteċipatx fl-adozzjoni ta' dawn id-Deċiżjonijiet li jikkonkludu l-ftehimiet rispettivi dwar ir-riammissjoni, u għalhekk mhux marbuta bihom jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom.

(3)

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi Protokoll, l-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni permezz ta' ittra tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ix-xewqa tagħha li taċċetta u tintrabat b'dawk il-ftehimiet.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika l-pajjiżi terzi kkonċernati bil-miktub, dwar l-għażla tal-Irlanda li tintrabat bil-ftehimiet rispettivi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ftehimiet li ġejjin dwar l-ammissjoni mill-ġdid konklużi mill-Unjoni għandhom japplikaw għall-Irlanda skont din id-Deċiżjoni:

(a)

il-ftehim mar-Reġjun Amministrattiv Speċjali tal-Makaw tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, konkluż bid-Deċiżjoni 2004/424/KE;

(b)

il-ftehim mar-Repubblika tal-Albanija, konkluż bid-Deċiżjoni 2005/809/KE;

(c)

il-ftehim mar-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka, konkluż bid-Deċiżjoni 2005/372/KE;

(d)

il-ftehim mal-Federazzjoni Russa, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/341/KE;

(e)

il-ftehim mar-Repubblika tal-Montenegro, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/818/KE;

(f)

il-ftehim mar-Repubblika tas-Serbja, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/819/KE;

(g)

il-ftehim mal-Bożnja u Ħerzegovina, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/820/KE;

(h)

il-ftehim ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/817/KE;

(i)

il-ftehim mar-Repubblika tal-Moldova, konkluż bid-Deċiżjoni 2007/826/KE;

(j)

il-ftehim mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, konkluż bid-Deċiżjoni 2010/649/UE;

(k)

il-ftehim mal-Ġeorġja, konkluż bid-Deċiżjoni 2011/118/UE.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika kull wieħed mill-pajjiżi terzi li huma partijiet għall-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 li l-Ftehim rispettiv konkluż ma' dak il-pajjiż terz japplika għall-Irlanda.

Kull ftehim rispettiv għandu japplika għall-Irlanda mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha n-notifika tasal għand dak il-pajjiż terz.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/424/KE tal-21 ta' April 2004 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Amministrazzjoni Speċjali tar-Reġjun tal-Makaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 143 30.4.2004, p. 97).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/809/KE tas-7 ta' Novembru 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Albanija dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (traduzzjoni mhux uffiċjali) (ĠU L 304 23.11.2005, p. 14).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/372/KE tat-3 ta' Marzu 2005 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Soċjalista Demokratika tas-Sri Lanka dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 124 17.5.2005, p. 41).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/341/KE tad-19 ta' April 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid (ĠU L 129 17.5.2007, p. 38).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/818/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Montenegro dwar ir-riammissjoni ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 334 19.12.2007, p. 25).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/819/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 334 19.12.2007, p. 45).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/820/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Bożnja u Ħerzegovina dwar ir-riammissjoni ta' persuni li residenti mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 334 19.12.2007, p. 65).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/817/KE tat-8 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar ir-riammissjoni ta' persuni residenti mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 334 19.12.2007, p. 1).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/826/KE tat-22 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 334 19.12.2007, p. 148).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/649/UE tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 287 4.11.2010, p. 50).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/118/UE tat-18 ta' Jannar 2011 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja dwar ir-riammissjoni ta' persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (ĠU L 52 25.2.2011, p. 45).