ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
22 ta' Mejju 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/51/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tas-setgħat tal- Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)

1

 

*

Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE ( 1 )

62

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

DIRETTIVI

22.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


DIRETTIVA 2014/51/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 fir-rigward tas-setgħat tal- Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50, 53, 62, u 114 ta' dan,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kriżi finanzjarja fl-2007 u fl-2008 kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, kemm f'każijiet partikolari kif ukoll b'rabta mas-sistema finanzjarja kollha kemm hi. Il-mudelli superviżorji b'bażi nazzjonali waqgħu lura meta mqabbla mal-globalizzazzjoni finanzjarja u mar-realtà integrata u interkonnessa tas-swieq finanzjarji Ewropej, li fihom bosta istituzzjonijiet finanzjarji joperaw minn naħa għall-oħra tal-fruntieri. Il-kriżi kixfet nuqqasijiet fil-qasam tal-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni, l-applikazzjoni konsistenti tal-liġi tal-Unjoni u l-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

(2)

F'għadd ta' riżoluzzjonijiet adottati qabel u matul il-kriżi finanzjarja, il-Parlament Ewropew appella biex ikun hemm avvanz lejn superviżjoni Ewropea iktar integrata, sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet ugwali reali għall-operaturi kollha fil-livell tal-Unjoni, u sabiex din is-superviżjoni tirrifletti l-integrazzjoni li qed tiżdied tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, b'mod partikolari fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' April 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta' Azzjoni, tal-21 ta' Novembru 2002 dwar ir-regoli ta' superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Ewropea, tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005–2010) — White Paper, tat-23 ta' Settembru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-hedge funds u l-ekwità privata, tad-9 ta' Ottubru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza, u fil-pożizzjonijiet tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar il-proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II), u tat-23 ta' April 2009 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu.

(3)

F'Novembru 2008, il-Kummissjoni tat mandat lil Grupp ta' Livell Għoli ppresedut mis-Sur Jacques de Larosière biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-ħsieb li ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi protett aħjar u terġa' tinbena l-fiduċja fis-sistema finanzjarja. Fir-rapport finali tiegħu ppreżentat fil-25 ta' Frar 2009 (ir-“Rapport de Larosière”), il-Grupp ta' Livell Għoli rrakkomanda li l-qafas superviżorju jissaħħaħ sabiex jitnaqqsu r-riskju u l-gravità ta' kriżijiet finanzjarji futuri. Irrakkomanda riformi estensivi fl-istruttura tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju fl-Unjoni. Ir-Rapport de Larosière jirrakkomanda wkoll li tinħoloq sistema Ewropea ta' superviżjoni finanzjarja, li tkun tinkludi tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej, waħda għal kull settur bankarju, waħda għas-settur tat-titoli u waħda għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjonijiet tax-xogħol, u rrakkomanda li jinħoloq kunsill Ewropew dwar ir-riskju sistemiku.

(4)

L-istabbiltà finanzjarja hija prerekwiżit għall-ekonomija reali biex tipprovdi impjiegi, kreditu u tkabbir. Il-kriżi finanzjarja kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li naqset milli tbassar l-iżviluppi makroprudenzjali negattivi jew li tevita l-akkumulazzjoni ta' riskji eċċessivi fis-sistema finanzjarja.

(5)

Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tat-18 u d-19 ta' Ġunju 2009, irrakkomanda li għandha titwaqqaf sistema Ewropea ta' superviżuri finanzjarji, li tkun tinkludi tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ġodda. Irrakkomanda wkoll li s-sistema għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni nazzjonali, issaħħaħ is-superviżjoni ta' gruppi transkonfinali u tistabbilixxi ġabra unika Ewropea tar-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq intern. Huwa enfasizza li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-“ASE”) għandu jkollhom ukoll setgħat superviżorji fir-rigward tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, u talab lill-Kummissjoni sabiex tħejji proposti konkreti dwar kif is-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) jista' jkollha rwol b'saħħtu f'sitwazzjonijiet ta' kriżi.

(6)

Fl-2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw tliet Regolamenti li jistabilixxu l-ASE: ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“AEAPX”) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“AETS”) bħala parti mis-SESF.

(7)

Sabiex is-SESF taħdem effikaċement, jeħtieġ isiru bidliet fl-atti leġislattivi tal-Unjoni fil-qasam tal-operat tat-tliet ASE. Dawn il-bidliet jikkonċernaw id-definizzjoni tal-ambitu ta' ċerti setgħat tal-ASE, l-integrazzjoni ta' ċerti setgħat fi proċessi eżistenti stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni u emendi sabiex jiġi żgurat funzjonament mingħajr intoppi u effikaċi tal-ASE fil-kuntest tas-SESF.

(8)

It-twaqqif tal-ASE għandu għalhekk jiġi akkumpanjat bl-iżvilupp ta' ġabra unika tar-regoli sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti u applikazzjoni uniformi u għalhekk jingħata kontribut għal funzjonament saħansitra iżjed effikaċi tas-suq intern u l-implimentazzjoni aktar effikaċi tas-superviżjoni fil-livell mikro. Ir-regolamenti li jistabilixxu s-SESF jipprovdu li l-ASE jistgħu jiżviluppaw abbozzi ta' standards tekniċi fl-oqsma stabiliti b'mod speċifiku fil-leġislazzjoni rilevanti, li għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sabiex jiġu adottati skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) permezz ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni. Billi d-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) identifikat l-ewwel set ta' tali oqsma, din id-Direttiva għandha tidentifika set ieħor ta' oqsma, partikolarment għad-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u għar-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010.

(9)

L-atti leġislattivi rilevanti għandhom jistabilixxu dawk l-oqsma li fihom l-ASE jingħataw is-setgħat li jiżviluppaw abbozzi ta' standards tekniċi u kif tali standards għandhom jiġu adottati. L-atti leġislattivi rilevanti għandhom tistabilixxi l-elementi, il-kundizzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet kif speċifikati fl-Artikolu 290 tat-TFUE fil-każ tal-atti delegati.

(10)

L-identifikazzjoni ta' oqsma li fihom għandhom jiġu adottati standards tekniċi għanda tilħaq bilanċ xieraq bejn il-ħolqien ta' ġabra unika ta' regoli armonizzati u l-evitar ta' regolazzjoni u infurzar ikkumplikati bla bżonn. L-oqsma li jintagħżlu għandhom ikunu biss dawk fejn regoli tekniċi konsistenti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti u effikaċi għall-ilħuq tal-miri tal-atti leġislattivi rilevanti, filwaqt li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta' politika jittieħdu mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni skont il-proċeduri normali tagħhom.

(11)

Il-kwistjonijiet soġġetti għall-istandards tekniċi għandhom ikunu ġenwinament tekniċi, fejn l-iżvilupp tagħhom jirrikjedi l-kompetenza tal-esperti tas-superviżjoni. L-istandards tekniċi regolatorji adottati bħala atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandhom jiżviluppaw, jispeċifikaw u jiddeterminaw aktar il-kundizzjonijiet għall-armonizzazzjoni konsistenti tar-regoli inklużi fl-atti leġislattivi adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tagħhom. Mill-banda l-oħra, l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni adottati bħala atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni uniformi tal-atti leġislattivi. L-istandards tekniċi ma għandhomx jinvolvu għażliet ta' politika.

(12)

Fil-każ ta' standards tekniċi regolatorji jkun xieraq li tiġi applikata l-proċedura prevista fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif xieraq. L-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif xieraq.

(13)

L-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni għandhom jikkontribwixxu għal ġabra unika ta' regoli għal-liġi tas-servizzi finanzjarji kif approvat mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2009. Sakemm ċerti rekwiżiti fl-atti leġislattivi tal-Unjoni ma jkunux totalment armonizzati, u skont il-prinċipju ta' prekawzjoni dwar is-superviżjoni, standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni li jiżviluppaw, jispeċifikaw jew jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni għal dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx jipprevjenu l-Istati Membri milli jirrikjedu informazzjoni addizzjonali jew jimponu rekwiżiti aktar stretti. L-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni għandhom għalhekk jippermettu lill-Istati Membri li jirrikjedu informazzjoni addizzjonali jew jimponu rekwiżiti aktar strinġenti f'oqsma speċifiċi, fejn dawk l-atti leġislattivi jipprovdu tali diskrezzjoni.

(14)

Skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, qabel jitressqu l-istandards tekniċi regolatorji jew ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-ASE għandhom, fejn xieraq, iwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwarhom u janalizzaw il-potenzjal tal-kostijiet u l-benefiċċji relatati.

(15)

Għandu jkun possibbli li l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni jipprovdu miżuri tranżizzjonali suġġetti għal skadenzi adegwati jekk il-kostijiet ta' implimentazzjoni immedjata jkunu eċċessivi meta mqabbla mal-benefiċċji involuti.

(16)

Fil-waqt tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-ħidma relatata mat-tħejjija tal-ewwel sett ta' miżuri biex jiġu implimentati r-regoli qafas skont id-Direttiva 2009/138/KE, kif ukoll il-konsultazzjoni dwaru, jinsabu fi stadju avvanzat. Fl-interess tal-finalizzazzjoni bikrija ta' dawk il-miżuri, huwa xieraq li l-Kummissjoni titħalla, għal perjodu tranżitorju, tadotta wħud mill-istandards tekniċi regolatorji previsti f'din id-Direttiva, skont il-proċedura għall-adozzjoni tal-atti delegati. Kwalunkwe emenda għal dawn l-istandards jew, wara li jkun skada l-perjodu tranżitorju, kwalunkwe standard tekniku biex tiġi implimentata d-Direttiva 2009/138/KE, għandu jiġi adottat skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(17)

Barra minn hekk, huwa xieraq li l-AEAPX, wara perjodu tranżitorju ta' sentejn, titħalla tipproponi aġġornamenti għal għadd ta' atti delegati fil-forma ta' standards tekniċi regolatorji. Dawk l-aġġornamenti għandhom ikunu limitati għal aspetti tekniċi tal-atti delagati rilevanti u m'għandhomx jimplikaw deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta' politika.

(18)

Meta l-AEAPX tkun qed tħejji u tabbozza standards tekniċi regolatorji biex taġġusta atti delegati għal żviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-waqt u xierqa tal-informazzjoni dwar l-ambitu ta' dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(19)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 jipprovdu mekkaniżmu sabiex tinsab soluzzjoni għal nuqqas ta' ftehim bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Fejn awtorità superviżorja nazzjonali ma taqbilx mal-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni minn awtorità superviżorja nazzjonali oħra f'oqsma speċifikati fl-atti leġislattivi tal-Unjonif'konformità ma' dawk ir-Regolamenti, u l-att leġislattiv rilevanti jirrikjedi kooperazzjoni, koordinazzjoni jew teħid konġunt ta' deċiżjonijiet min-naħa ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali minn iżjed minn Stat Membru wieħed, l-ASE kompetenti, fuq talba minn waħda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati, għandha tkun tista' tassisti lill-awtoritajiet fl-ilħuq ta' ftehim fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-ASE li għandu jqis kwalunkwe limitu ta' żmien rilevanti fil-leġislazzjoni rilevanti, u l-urġenza u l-kumplessità tan-nuqqas ta' ftehim. Fil-każ li dan in-nuqqas ta' ftehim jippersisti, l-ASE għandha tkun tista' taqtal-kwistjoni.

(20)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 jirrikjedu li l-każijiet fejn jistgħu jkunu applikati l-mekkaniżmi għar-rimedju ta' nuqqas ta' ftehim bejn l-awtoritjiet superviżorji nazzjonali għandhom ikunu speċifikati fil-leġislazzjoni settorjali. Din id-Direttiva għandha tidentifika l-ewwel sett ta' każijiet bħal dawn fis-settur tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni mingħajr ħsara għaż-żieda ta' każijiet ulterjuri fil-futur. Din id-Direttiva ma għandhiex ixxekkel lill-ASE milli jieħdu azzjoni f'konformità ma' setgħat oħra jew milli jwettqu kompiti speċifikati fir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010, inkluża medjazzjoni nonvinkolanti u kontribut għall-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'dawk l-oqsma fejn diġà hemm stabbilita xi forma ta' medjazzjoni mhux vinkolanti fil-liġi rilevanti, jew fejn hemm limiti ta' żmien għal deċiżjonijiet konġunti li għandhom jittieħdu minn awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar minn waħda, huma meħtieġa emendi biex tkun żgurta ċ-ċarezza u l-anqas xkiel fil-proċess biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta, iżda wkoll biex jiġi żgurat li fejn meħtieġ, l-ASE għandhom ikunu jistgħu jsolvu n-nuqqasijiet ta' qbil. Il-proċedura vinkolanti għar-rimedju ta' nuqqas ta' ftehim hija maħsuba biex issolvi sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ma jkunux jistgħu jsolvu bejniethom kwistjonijiet proċedurali jew sostantivi relatati mal-konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(21)

Din id-Direttiva għandha għalhekk tidentifika sitwazzjonijiet meta kwistjoni proċedurali jew sostantiva dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tista' teħtieġ li tkun solvuta u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ma jkunux jistgħu jsolvu l-kwistjoni huma stess. F'sitwazzjoni bħal din, waħda mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati għandha tkun tista' tqajjem il-kwistjoni mal-ASE kkonċernata. Dik l-ASE għandha tieħu azzjoni skont ir-regolament tat-twaqqif tagħha u skont din id-Direttiva. Għandha tkun tista' tirrikjedi li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati jieħdu azzjoni speċifika jew ma jieħdux azzjoni sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni u għandha tiżgura konformità mal-liġi tal-Unjoni, b'effetti vinkolanti fuq l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kkonċernati. F'każijiet fejn l-att leġislattiv rilevanti tal-Unjoni jagħti diskrezzjoni lill-Istati Membri, id-deċiżjonijiet meħuda minn ASE ma għandhomx jissostitwixxu l-eżerċitar tad-diskrezzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, fejn dak l-eżerċitar huwa skont il-liġi tal-Unjoni.

(22)

Id-Direttiva 2009/138/KE tipprevedi deċiżjonijiet konġunti għal dak li għandu x'jaqsam mal-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet għall-użu ta' mudell intern fil-livelli ta' grupp u dawk sussidjarji, l-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet sabiex sussidjarja tkun soġġetta għall-Artikoli 238 u 239 ta' dik id-Direttiva u l-identifikazzjoni tas-superviżur tal-grupp fuq bażi differenti mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 247 tagħha. F'dawk l-oqsma kollha, emenda għandha tiddikjara b'mod ċar li fl-eventwalità ta' nuqqas ta' ftehim, l-AEAPX tista' ssolvi n-nuqqas ta' ftehim bl-użu tal-proċess stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1094/2010. Dak l-approċċ jagħmilha ċara li filwaqt li l-AEAPX m'għandhiex tissostitwixxi l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali, għandu jkun possibbli li n-nuqqas ta' ftehim jiġi solvut u li l-kooperazzjoni tissaħħaħ qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-awtorià superviżorja nazzjonali jew tinħareġ lil istituzzjoni. L-AEAPX għandha ssolvi nuqqas ta' ftehim billi tkun medjatur bejn il-fehmiet konfliġġenti tal-awtoritajiet superviżorji.

(23)

L-arkitettura superviżorja ġdida stabilita permezz tas-SESF għandha teħtieġ lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali sabiex jikkooperaw mill-qrib mal-ASE. Emendi għall-atti leġislattivi rilevanti għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda ostakolu legali għall-obbligi tal-qsim tal-informazzjoni inklużi fir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 u li l-għoti ta' data ma jwassalx għal piż amministrattiv bla bżonn.

(24)

L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu tali informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom li tkun rilevanti għall-iskopijiet ta' superviżjoni filwaqt li jitqiesu l-objettivi ta' superviżjoni kif stipulat fid-Durettiva 2009/138/KE. Informazzjoni dwar lista sħiħa ta' assi li għandha tiġi pprovduta fuq bażi ta' element b'element u informazzjoni oħra li għandha tiġi pprovduta aktar spiss minn darba fis-sena għandha tkun meħtieġa biss meta l-għarfien addizzjonali miksub mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali bl-iskop ta' monitoraġġ tas-saħħa finanzjarja tal-impriżi, jew biex jiġu kkunsidrati l-impatti potenzjali tad-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-istabilità finanzjarja, jisboq il-piż assoċjat mal-kalkolu u l-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni. Wara li jivvalutaw in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-kummerċ tal-impriża, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jippermettu limiti fuq il-frekwenza u l-ambitu tal-informazzjoni li għandha tiġi rrapportata jew li jeżentaw mir-rappurtar fuq bażi interim biss meta dik l-impriża ma taqbiżx il-limiti speċifikati. Għandu jiġi żgurat li l-iżgħar impriżi jkunu eliġibbli għal limiti u eżenzjoni u li dawk l-impriżi ma jirrappreżentawx iktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni tal-ħajja jew mhux tal-ħajja ta' Stat Membru jew ta' daj tar-riassigurazzjoni tiegħu.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni rrapportata minn impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jew kumpaniji b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni fil-livell tal-grupp tkun preċiża u kompluta, l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali m'għandhomx jippermettu limiti fuq l-informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata jew eżenzjoni mir-rappurtar abbażi ta' element b'element lil impriżi li jappartjenu għal grupp, sakemm l-awtorità superviżorja nazzjonali ma tkunx sodisfatta li r-rappurtar ma jkunx xieraq minħabba n-natura, l-iskala jew il-kumplessità tar-riskji inerenti fil-kummerċ tal-grupp.

(26)

Fl-oqsma fejn il-Kummissjoni attwalment għandha kkonferita s-setgħa permezz tad-Direttiva 2009/138/KE li tadotta miżuri ta' implimentazzjoni, fejn dawn il-miżuri jkunu atti mhux leġislattivi ta' applikazzjoni ġenerali ħalli jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali ta' dik id-Direttiva skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont dak l-Artikolu jew standards tekniċi regolatorji b'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(27)

Sabiex jiġi żgurat li jiġi applikat l-istess trattament lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kollha li jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza (RKS) skont id-Direttiva 2009/138/KE abbażi tal-formula standard, jew biex jitqiesu l-iżviluppi tas-suq, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati fir-rigward tal-kalkolu tar-RKS abbażi tal-formula standard.

(28)

Meta r-riskji ma jkunux koperti b'mod adegwat minn sottomodulu, l-AEAPX għandha tingħata s-setgħa li tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-limiti kwantitattivi u l-kriterji tal-eliġibilità tal-assi għar-RKS abbażi tal-formula standard.

(29)

Sabiex jitħalla jsir il-kalkolu konsistenti ta' provvedimenti tekniċi min-naħa ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE, jeħtieġ li korp ċentrali jikseb, jippubblika, u jaġġorna ċerta informazzjoni teknika relatata mal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-osservazzjonijiet fis-suq finanzjarju. Il-mod li bih l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti jiġi derivat għandu jkun trasparenti. B'kunsiderazzjoni għan-natura teknika u dik relatata mal-assigurazzjoni ta' dawn l-inkarigi, dawn għandhom jitwettqu mill-AEAPX.

(30)

L-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha tevita l-volatilità artifiċjali tad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-fondi proprja eliġibbli u għandha tipprovdi inċentiv għal ġestjoni tajba tar-riskju. L-għażla tal-punt ta' tluq tal-estrapolazzjoni tar-rati ta' imgħax mingħajr riskju għandha tippermetti li fil-kalkolu tal-aħjar stima, l-impriżi jkunu jistgħu jikkorrispondu b'bonds il-flussi ta' flus tagħhom li jkunu skontati b'rati ta' imgħax mhux estrapolati. F'kundizzjonijiet tas-suq simili għal dawk fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-punt tat-tluq għall-estrapolazzjoni tar-rati ta' imgħax mingħajr riskji, b'mod partikolari f'euro, għandu jkun f'maturità ta' 20 sena. F'kundizzjonijiet tas-suq simili għal dawk fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-parti estrapolata tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti, b'mod partikolari għall-euro, għandha tikkonverġi b'tali mod lejn ir-rata forward aħħarija sabiex fir-rigward tal-maturitajiet li jaqbżu b'40 sena l-punt ta' tluq tal-estrapolazzjoni, ir-rati forward estrapolati ma jvarjawx b'aktar minn tliet punti ta' bażi mir-rata forward aħħarija. Għal muniti oħra barra l-euro, il-karatteristiċi tas-swieq lokali ta' bond u swap għandhom jitqiesu fid-determinazzjoni tal-punt ta' tluq għall-estrapolazzjoni ta' rati tal-imgħax mingħajr riskju u l-perjodu ta' konverġenza xieraq għar-rata forward aħħarija.

(31)

Meta l-impriżi ta' assigurazzjoni u risassigurazzjoni jkollhom bonds jew assi oħra b'karatteristiċi ta' flussi ta' flus simili għal maturità, huma ma jkunux esposti għar-riskju ta' firxier varjabbli fuq dawk l-assi. Sabiex jiġi evitat li l-bdil ta' firxiet ta' assi jħalli impat fuq l-ammont ta' fiondi proprji ta' dawk l-impriżi, għandhom jitħallew jaġġustaw l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti għall-kalkolu tal-aħjar stima b'konformità mal-movimenti ta' firxa tal-assi tagħhom. L-applikazzjoni ta' tali aġġustament għall-korrispondenza għandha tkun soġġetta għal approvazzjoni superviżorja u r-rekwiżiti stretti fuq l-assi u l-obbligazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni jkunu jistgħu jżommu l-assi tagħhom sal-maturità. B'mod partikolari l-flussi ta' flus ta' assi u obbligazzjonijiet għandhom jikkorrispondu u l-assi għandhom jiġu sostitwiti bl-iskop li tinżamm il-korrispondenza biss meta l-flussi ta' flus mistennija jinbidlu b'mod materjali bħal fil-każ tad-degradazzjoni jew l-inadempjenza ta' bond. L-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom jiżvelaw b'mod pubbliku l-impatt tal-aġġustament għall-korrispondenza fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom biex jiżguraw trasparenza adegwata.

(32)

Sabiex jiġi evitat aġir ta' investiment proċikliku, l-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom jitħallew jaġġustaw l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti għall-kalkolu tal-aħjar stima ta' dispożizzjonijiet tekniċi biex jittaffa l-effett ta' esaġerazzjonijiet ta' firxiet ta' bonds. Tali aġġustament għall-volatilità għandu jkun ibbażat fuq portafolli ta' referenza għall-muniti rilevanti ta' dak l-impriżi u, fejn ikun neċessarju biex tiġi żgurata rappreżentanza, fuq portafolli ta' referenza għas-swieq nazzjonali tal-assigurazzjoni. L-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom jiżvelaw b'mod pubbliku l-impatt tal-aġġustament għall-volatilità fuq il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom biex jiżguraw trasparenza adegwata.

(33)

Fid-dawl tal-importanza tal-iskontar għall-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi, id-Direttiva 2009/138/KE għandha tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-għażla tar-rati ta' skont mill-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni. Sabiex jiġu żgurati tali kundizzjonijiet uniformi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex jiġu stabbiliti l-istrutturi tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti biex tiġi kkalkulata l-aħjar stima, il-firxiet fundamentali għall-kalkolu tal-aġġustament għall-korrispondenza u tal-aġġustament għall-volatilità. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jużaw informazzjoni teknika derivata mill-AEAPX u ppubblikata minnha. Għandha tintuża l-proċedura konsultattiva għall-adozzjoni ta' dawk l-atti ta' impliementazzjoni.

(34)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jkunu applikabbli minnufih meta, f'każijiet ġustifikati kif jistħoqq marbutin mal-istrutturi rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju, dan ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(35)

Sabiex jittaffew l-effetti proċikliċi potenzjali bla bżonn, il-perjodu għar-restawr ta' konformità mar-RKS għandu jiġi estiż f'sitwazzjonijiet negattivi straordinarji, inkluż fil-każ ta' waqgħa qawwija tas-suq, ambjenti b'rata ta' imgħax baxxa persistenti u avvenimenti katastrofiċi b'impatt għoli, li jaffettwaw l-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tas-suq jew linji tan-negozju affettwati. L-AEAPX għandha tkun responsabbli biex tiddikjara l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet negattivi eċċezzjonali u l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri permezz ta' atti delegati u atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-kriterji u l-proċeduri rilevanti.

(36)

Fil-kuntest tal-aġġustament għall-korrispondenza għall-istruttura tat-terminu rilevanti tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti previst f'din id-Direttiva, ir-rekwiżit li l-portafoll ta' obbligi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni li għalih jiġi applikat l-aġġustament għall-korrispondenza u l-portafoll tal-assi assenjat huma identifikati, organizzati u ġestiti separatament minn attivitajiet oħra tal-impriżi, u li dawk l-assi ma jistgħux jintużaw biex ikopru t-telf li jirriżulta minn attivitajiet oħra tal-impriżigħandu jinftiehem f'sens ekonomiku. Dan m'għandux jimplika rekwiżit fuq l-Istati Membri biex ikollhom kunċett legali ta' fond delimitat fil-leġislazzjoni nazzjonali. L-impriżi li jużaw l-aġġustament għall-korrispondenza għandhom jidentifikaw, jorganizzaw u jiġġestixxu l-potafoll ta' assi u obbligi b'mod separat mill-partijiet l-oħra tan-negozju u għaldaqstant m'għandhomx jitħallew jindirizzaw riskji li jitfaċċaw x'imkien ieħor fin-negozju billi jużaw il-portafoll assenjat ta' assi. Filwaqt li dan jippermetti ġestjoni effiċjenti tal-portafoll, it-trasferibilità u l-ambitu mnaqqsa għal diversifikazzjoni bejn il-portafoll assenjat u l-bqija tal-impriża jeħtieġ, għall-fini tal-aġġustament għall-korrispondenza, li jkunu riflessi fl-aġġustamenti għall-fondi proprji u r-RKS.

(37)

Il-firxa fuq il-portafoll ta' referenza msemmija f'din id-Direttiva għandha tiġi ddeterminata b'mod trasparenti permezz ta' indiċi rilevanti fejn dawn ikunu disponibbli.

(38)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni trasparenti tal-aġġustament għall-volatilità, l-aġġustament għall-korrispondenza u l-miżuri tranżizzjonali dwar rati ta' imgħax mingħajr riskju u dwar dispożizzjonijiet tekniċi pprovduti skont din id-Direttiva, l-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni għandhom jiżvelaw b'mod pubbliku l-impatt tan-nuqqas ta' applikazzjoni ta' dawn il-miżuri fuq il-pożizzjonijiet finanzjarji tagħhom, inkluż dwar l-ammont ta' dispożizzjonijiet tekniċi, ir-RKS, ir-Rekwiżit Kapitali Minimu (RKM) skont id-Direttiva 2009/138/KE, il-fondi proprji bażiċi u l-ammonti ta' fondi proprji eliġibbli biex jiġu koperti r-RKM u r-RKS.

(39)

L-Istati Membri, fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, għandhom ikunu jistgħu jagħtu lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tagħhom is-setgħa li jippermettu, u, f'ċerti każijiet, li jirrifjutaw, l-użu tal-aġġustament għall-volatilità.

(40)

Sabiex ikun żgurat li jkunu pprovduti fuq bażi armonizzata ċerti kontributi tekniċi għar-RKS permezz tal-użu ta' formula standard, pereżempju biex ikunu permessi approċċi armonizzati lejn l-użu ta' klassifikazzjonijiet, għandhom ikunu assenjati kompiti speċifiċi lill-AEAPX. Ir-rikonoxximent tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom jiġu allinjati u jkunu konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Għandha tiġi evitata kull sovrapożizzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u għal dak il-għan ikun ġustifikat rwol għall-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej stabbilit bir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010. L-AEAPX għandha tagħmel l-aħjar użu mill-kompetenzi u l-esperjenza tal-AETS. Il-manjiera dettaljata li biha għandhom jitwettqu dawn il-kompiti għandha tkun speċifikata iktar fil-miżuri li għandhom ikunu adottati permezz ta' atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni.

(41)

Il-listi ta' gvernijiet lokali u awtoritajiet lokali ppubblikati mill-AEAPX m'għandhiex tkun iktar dettaljata minn dak li jkun neċessarju biex jiġi żgurat li tali gvernijiet jew awtoritajiet jingħataw l-istess trattament biss meta r-riskji ta' skopertura jkunu l-istess bħal dawk għall-gvernijiet ċentrali.

(42)

Sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat skont id-Direttiva 2009/138/KE biex jiġi ddeterminat fejn tkun awtorizzata estensjoni tal-perjodu ta' rkupru f'każijiet ta' ksur tar-RKS, għandhom ikunu speċifikati l-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu “sitwazzjoni negattiva eċċezzjonali”. L-AEAPX għandha tkun responsabbli biex tiddikjara l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet negattivi eċċezzjonali u l-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri permezz ta' atti delegati u atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw il-kriterji u l-proċeduri rilevanti fil-każ ta' tali sitwazzjonijiet negattivi eċċezzjonali.

(43)

Sabiex tkun żgurata konsistenza transettorjali u jiġi eliminat il-miżallinjament bejn l-interessi tal-impriżi li “jirripakkjaw” is-selfiet f'titoli negozjabbli u strumenti oħra finanzjarji (oriġinaturi jew sponsors) u l-interessi tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jinvestu f'titoli jew strumenti bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri permezz ta' atti delegati fil-kuntest ta' investimenti f'selfiet ripakkjati skont id-Direttiva 2009/138/KE, li tispeċifika mhux biss ir-rekwiżiti iżda wkoll il-konsegwenzi tal-ksur ta' dawk ir-rekwiżiti.

(44)

Sabiex tiġi permessa iżjed konverġenza dwar il-proċeduri għall-approvazzjonijiet superviżorji mniżżla fid-Direttiva 2009/138/KE għall-użu ta' parametri speċifiċi, politiki dwar it-tibdil ta' mudelli, strumenti bi skopijiet speċjali u t-twaqqif u t-tneħħija ta' supplimentazzjonijiet kapitali, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri permezz ta' atti delegati li jispeċifikaw il-proċedura rilevanti f'dawk l-oqsma.

(45)

L-iżvilupp min-naħa tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni ta' standard globali ta' solvenza bbażat fuq ir-riskju huwa kontinwu u qed ikompli jrawwem koordinazzjoni u kooperazzjoni superviżorja ikbar fil-livell internazzjonali. Id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva 2009/138/KE dwar atti delegati tal-Kummissjoni li jiddeterminaw l-ekwivalenza tar-reġimi prudenzjali u ta' solvenza ta' pajjiżi terzi huma konsistenti mal-objettivi ta' promozzjoni ta' konverġenza internazzjonali lejn l-introduzzjoni ta' reġimi prudenzjali u ta' solvenza bbażati fuq ir-riskju. Sabiex jiġi rikonoxxut li ċerti pajjiżi terzi jista' jkollhom bżonn ta' iżjed żmien sabiex jadattaw u jimplimentaw reġimi prudenzjali u ta' solvenza li jkunu jistgħu jissodisfaw kompletament il-kriterji ħalli jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti, huwa meħtieġ li jiġu speċifikati kundizzjonijiet relatati mat-trattament ta' reġimi bħal dawn ta' pajjiżi terzi sabiex dawn il-pajjiżi terzi jiġu rikonoxxuti temporanjament bħala ekwivalenti. L-atti delegati tal-Kummissjoni li jiddeterminaw l-ekwivalenza temporanja għandhom, fejn xieraq, iqisu l-iżviluppi internazzjonali. Meta l-Kummissjoni tiddetermina li r-reġim prudenzjali ta' pajjiż terz għas-superviżjoni tal-grupp ikun ekwivalenti temporanjament, għandu tiġi permessa superviżjoni addizzjonali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-benefiċjarji u d-detenturi tal-poloz fl-Unjoni.

(46)

Fid-dawl tan-natura partikolari tas-suq tal-assigurazzjoni, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni stabbiliti f'pajjiżi terzi, indipendentement minn jekk l-impriża possedenti tkunx stabbilita fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tiddetermina li pajjiż terz ikun ekwivalenti proviżorjament bl-iskop li jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' solvenza tal-grupp u l-fondi proprji eliġibbli biex jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti.

(47)

Sabiex jiġi żgurat li l-partijiet interessati jkunu infurmati kif xieraq dwar l-istruttura tal-gruppi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, jeħtieġ li l-informazzjoni dwar l-istruttura legali tagħhom u l-istruttura ta' governanza u organizzattiva tkun disponibbli għall-pubbliku.. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas informazzjoni dwar l-isem legali, it-tip ta' negozju u l-pajjiż ta' stabbiliment tas-sussidjarji, l-impriżi relatati materjalment u l-fergħat sinifikanti.

(48)

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni bl-effett li reġim prudenzjali u ta' solvenza ta' pajjiż terz ikun ekwivalenti kompletament jew temporanjament għandhom iqisu, fejn xieraq, l-eżistenza, id-durata u n-natura tal-miżuri tranżizzjonali f'dawk ir-reġimi ta' pajjiżi terzi.

(49)

Sabiex is-Soċjetà Kooperattiva Ewropea, imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (13) titħalla tipprovdi servizzi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni, huwa meħtieġ li l-lista ta' forom legali permissibbli ta' impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE tinkludi s-Soċjetà Kooperattiva Ewropea.

(50)

L-ammont f'euro tal-limitu tar-RKM għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandu jiġi adattat. Dan huwa r-riżultat tal-aġġustament perjodiku tal-limiti minimi eżistenti tar-rekwiżit tal-kapital sabiex impriżi bħal dawn jikkunsidraw l-inflazzjoni.

(51)

Il-kalkolu tar-RKS għall-assigurazzjoni tas-saħħa għandu jirrifletti s-sistemi ta' ugwalizzazzjoni nazzjonali u għandu jqis ukoll il-bidliet fil-leġislazzjoni tas-saħħa nazzjonali, peress li huma parti fundamentali tas-sistema ta' assigurazzjoni fi ħdan dawk is-swieq tas-saħħa nazzjonali.

(52)

Ċerti setgħat ta' implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 202 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għandhom ikunu sostitwiti b'dispożizzjonijiet xierqa skont l-Artikolu 290 tat-TFUE.

(53)

L-allinjament tal-proċeduri tal-komitoloġija għat-TFUE u, b'mod partikolari, għall-Artikolu 290 tiegħu, għandu jsir abbażi ta' każ b'każ. Sabiex ikunu kkunsidrati l-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji u biex ikunu speċifikati r-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi emendati b'din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE. B'mod partikolari, atti delegati għandhom ikunu adottati fir-rigward ta' dettalji li jikkonċernaw rekwiżiti ta' governanza, stimar, rappurtar superviżorju u divulgazzjoni pubblika, id-determinazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-fondi proprji, il-formula standard għall-kalkolu tar-RKS (inkluża kwalunkwe bidla konsegwenzjali fil-qasam tas-supplimentazzjonijiet kapitali) u l-għażla ta' metodi u suppożizzjonijiet għall-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi.

(54)

Fid-Dikjarazzjoni Nru 39 dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernattiva li adottat it-Trattat ta' Lisbona, il-Konferenza ħadet nota tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tkompli tikkonsulta esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija tal-abozzi ta' atti ddelegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji b'konformità mal-prattika stabbilita tagħha.

(55)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandu jkollhom tliet xhur mid-data tan-notifika biex joġġezzjonaw għal att delegat. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, għandu jkun possibbli li dak il-perjodu jiġi estiż bi tliet xhur fir-rigward ta' oqsma sinifikanti ta' tħassib. Għandu jkun ukoll possibbli għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill li jinfurmaw lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet. Approvazzjoni bikrija bħal din tal-atti delegati hija partikolarment xierqa meta jkun jeħtieġ li jkunu rispettati l-iskadenzi, pereżempju meta jkun hemm skedi ta' żmien fl-att bażiku għall-Kummissjoni biex tadotta atti delegati.

(56)

Fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u l-mekkaniżmi proċikliċi li kkontribwixxew għall-oriġini tagħha u li aggravaw l-effett tagħha, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja, il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, u l-G20 għamlu rakkomandazzjonijiet biex jittaffew l-effetti proċikliċi tar-regolazzjoni finanzjarja. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom rilevanza diretta għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni bħala komponenti importanti tas-sistema finanzjarja.

(57)

Sabiex tinkiseb applikazzjoni koerenti ta' din id-Direttiva u tiġi żgurata superviżjoni makroprudenzjali madwar l-Unjoni, ikun xieraq li l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), jiżviluppa prinċipji mfassla għall-ekonomija tal-Unjoni.

(58)

Il-kriżi finanzjarja enfasizzat il-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji ssottovalutaw sew il-livell ta' riskju ta' kreditu tal-kontraparti assoċjat mad-derivati barra l-Borża (OTC). Dan wassal lill-pajjiżi tal-G20 biex, f'Settembru 2009, talbu aktar derivati OTC biex ikunu kklerjati permezz ta' kontroparti ċentrali. Barra minn hekk, talbu li d-derivati OTC li ma setgħux jiġu kklerjati ċentralment jiġu soġġetti għal rekwiżiti tal-kapital ogħla sabiex jirriflettu sew ir-riskji ogħla assoċjati magħhom.

(59)

Il-kalkolu tal-formola standard għar-RKS għandu jitratta l-iskoperturi għall-kontropartijiet ċentrali li jikkwalifikaw b'mod konsistenti mat-trattament ta' tali skoperturi fir-rekwiżiti kapitali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji, kif definit fl-Artikolu 4(1)tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, speċifikament fir-rigward ta' differenzi fit-trattament bejn kontropartijiet ċentrali li jikkwalifikaw u kontropartijiet oħrajn.

(60)

Sabiex jiġi żgurat li l-objettiv tal-Unjoni ta' tkabbir sostenibbli fit-tul u l-objettivi tad-Direttivi 2009/138/KE li primarjament jiġu protetti d-detenturi tal-poloz u wkoll li tiġi żgurata stabilità finanzjarja, jibqgħu jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-adegwatezza tal-metodi, is-suppożizzjonijiet, u l-parametri standard użati għall-kalkolu tal-formola standard għar-RKS fi żmien ħames snin mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE. Ir-reviżjoni għandha, b'mod partikolari tkun ibbażata fuq l-esperjenza ġenerali tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni permezz tal-formola standard għar-RKS matul il-perjodu tranżitorju. Ir-reviżjoni għandha tqis ukoll il-prestazzjoni ta' kwalnkwe klassi ta' assi u strument finanzjarju, l-aġir tal-investituri f'dawk l-assi u strumenti finanzjarji kif ukoll l-iżviluppi tal-istipular tal-istandards internazzjonali għas-swieq finanzjarji. Jista' jkun meħtieġ li r-reviżjoni tal-parametri tal-istandards għal ċerti klassijiet ta' assi, bħalma huma t-titoli bi dħul fiss u l-infrastruttura fit-tul, tiġi prijoritizzata.

(61)

Sabiex tkun possibbli tranżizzjoni mingħajr intoppi skont id-Direttiva 2009/138/KE għal skema ġdida, jeħtieġ li jkun hemm perjodi ta' dħul gradwali u miżuri tranżizzjonali speċifiċi. Il-miżuri tranżizzjonali għandhom l-għan li jevitaw it-taqlib tas-suq u li jillimitaw l-interferenzi ma' prodotti eżistenti kif ukoll li jiżguraw id-disponibbiltà ta' prodotti tal-assigurazzjoni. Il-miżuri tranżizzjonali għandhom jinkoraġġixxu impriżi biex jimxu lejn konformità mar-rekwiżiti partikolari tal-iskema l-ġdida malajr kemm jista' jkun.

(62)

Jeħtieġ li jsir provvediment għal reġim tranżizzjonali għan-negozju tal-irtirar okkupazzjonali mwettaq mill-impriżi tal-assigurazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) filwaqt li l-Kummissjoni twettaq ir-reviżjoni tagħha ta' dik id-Direttiva. Ir-reġim trażizzjonali għandu jiskadi malli jidħlu fis-seħħ l-emendi għad-Direttiva 2003/41/KE.

(63)

Minkejja l-applikazzjoni antiċipata tad-Direttiva 2009/138/KE, partikolarment għall-finijiet ta' valutazzjonijiet relatati mal-approvazzjoni ta' mudelli interni, fondi proprji anċillari, klassifikazzjoni tal-fondi proprji, użu ta' parametri speċifiċi, vetturi b'għan speċjali, is-sottomodulu tar-riskju ta' ishma bbażat fuq id-durata, u d-dispożizzjoni tranżizzjonali dwar il-kalkolu tal-aħjar stima b'rabta mal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jikkorrispondu ma' primjums imħallsa għal kuntratti eżistenti, tad-Direttivi tal-Kunsill 64/225/KEE (16), 73/239/KEE (17), 73/240/KEE (18), 76/580/KEE (19), 78/473/KEE (20), 84/641/KEE (21), 87/344/KEE (22), 88/357/KEE (23) u 92/49/KEE (24), u d-Direttivi 98/78/KE (25), 2001/17/KE (26), 2002/83/KE (27) u 2005/68/KE (28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (magħrufa kollettivament bħala “Solvenza I”), kif emendati bl-atti elenkati fil-Parti A tal-Anness VI tad-Direttiva 2009/138/KE għandhom ikomplu japplikaw sal-aħħar tal-2015.

(64)

F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni tat-28 ta' Settembru 2011, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f'każijiet iġġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva u d-Direttiva 2009/138/KE, il-leġislatur iqis it-trażmissjoni ta' tali dokumenti bħala ġustifikata.

(65)

Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, prinċipalment it-titjib tal-funzjonament tas-Suq Intern permezz tal-iżgurar ta' livell għoli, effettiv u konsistenti ta' regolazzjoni u superviżjoni prudenzjali, il-protezzjoni tad-detenturi u l-benefiċjarji ta' polza u b'dan in-negozji u l-konsumaturi, il-ħarsien tal-integrità, l-effiċjenza u l-funzjonament ordinat tas-swieq finanzjarji, il-manteniment tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti min-naħa tal-Istati Membri imma jistgħu, minflok, minħabba l-iskala tagħhom, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(66)

Għalhekk id-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 2009/1060/KE, (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 għandhom jiġu emendati skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/71/KE

Id-Direttiva 2003/71/KE hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Meta t-termini finali tal-offerta la jkunu inklużi fil-prospett bażi u lanqas f'suppliment, huma għandhom ikunu disponibbli għal investituri, inkartati mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju (tal-post), u kkomunikati minn dik l-awtorità kompetenti lill-awtorità kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti malli jkun prattikabbli hekk kif issir offerta pubblika u, fejn possibbli, qabel il-bidu tal-offerta pubblika jew ammissjoni għal negozjar. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tikkomunika t-termini finali lill-AETS. It-termini finali għandhom jinkludu biss l-informazzjoni li għandha x'taqsam man-nota dwar it-titoli u ma għandhomx jintużaw biex jissupplimentaw il-prospett ta' bażi. F'każijiet bħal dawn għandu japplika l-Artikolu 8(1)(a).”;

(2)

fl-Artikolu 11, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' dan l-Artikolu, l-AETS għandha toħloq abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-informazzjoni li għandha tkun inkorporata b'riferenza.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(3)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-approvazzjoni tal-prospetti, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-prospett u l-kundizzjonijiet skont liema jistgħu jiġu aġġustati l-limiti taż-żmien.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(4)

fl-Artikolu 14, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika d-dispożizzjonijiet relatati mal-pubblikazzjoni tal-prospett imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(5)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' dan l-Artikolu, l-AETA għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika d-dispożizzjonijiet dwar it-tixrid ta' reklami li jħabbru l-intenzjoni li jkunu offruti titoli lill-pubbliku jew ammissjoni għal negozjar f'suq regolat, b'mod partikolari qabel ma l-prospett ikun sar disponibbli għall-pubbliku jew qabel il-ftuħ tas-sottoskrizzjoni, u biex tispeċifika d-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4.

L-AETS għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta' Lulju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(6)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Persunal u riżorsi tal-AETS

L-AETS għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta' persunal u riżorsi li jirriżultaw mis-setgħat u d-dmirijiet tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni f'dan ir-rigward.”.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt (32):

“(32a)

‘kontroparti ċentrali li tikkwalifika’ tfisser kontroparti ċentrali li tkun ġiet awtorizzata f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) jew tkun ġiet rikonoxxuta f'konformità mal-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament;

(*)  Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).”;"

(b)

jiżdied il-punt li ġej:

“(40)

‘istituzzjoni esterna tal-valutazzjoni tal-kreditu’ jew ‘ECAI’ tfisser aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) jew bank ċentrali li joħroġ klassifikazzjonijiet tal-kreditu eżentati mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(**)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).”;"

(2)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li għandhom x'jaqsmu mal-listi ta' forom stabiliti fl-Anness III, bl-esklużjoni tal-punti 28 u 29 tal-Partijiet A, B u C.”;

(3)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 25a

Notifika u pubblikazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni

Kull awtorizzazzjoni jew irtirar tal-awtorizzazzjoni għandu jkun innotifikat lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (‘AEAPX’) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***). L-isem ta' kull impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun ingħatat awtorizzazzjoni għandu jiddaħħal f'lista. L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata dik il-lista fuq il-websajt tagħha.

(***)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).”;"

(4)

fl-Artikolu 29, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-atti delegati u l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni għandhom iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità, biex b'hekk tkun żgurata l-applikazzjoni proporzjonata ta' din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward ta' impriżi tal-assigurazzjoni żgħar.

L-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji, ippreżentati mill-AEAPX f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (KE) Nru 1094/2010, l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ppreżentati b'konformità mal-Artikolu 15 tiegħu u l-linji gwida u r-rakkommandazzjonijiet maħruġa f'konformità mal-Artikolu 16 tiegħu, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-proporzjonalità, sabiex b'hekk tkun żgurata l-applikazzjoni proporzjonata ta' din id-Direttiva, partikolarment fir-rigward ta' impriżi tal-assigurazzjoni żgħar.”;

(5)

Fl-Artikolu 31, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 35, l-Artikolu 51, l-Artikolu 254(2) u l-Artikolu 256, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li għandhom x'jaqsmu mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li jispeċifikaw l-aspetti importanti li dwarhom għandha tiġi divulgata d-dejta statistika aggregata, u l-lista tal-kontenut u d-data tal-pubblikazzjoni tad-divulgazzjoni.

5.   Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi relatati malapplikazzjoni tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35, l-Artikolu 51, l-Artikolu 254(2) u l-Artikolu 256, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-mudelli u l-istruttura tad-divulgazzjoni prevista f'dan l-Artikolu.

L-AEAPX għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(6)

fl-Artikolu 33, għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“Meta awtorità superviżorja tkun infurmat lill-awtoritajiet superviżorji ta' Stat Membru ospitanti li għandha l-intenzjoni li twettaq verifiki fuq il-post skont l-ewwel paragrafu u meta dik l-awtorità superviżorja tkun ipprojbita milli teżerċita d-dritt tagħha li twettaq dawk il-verifiki fuq il-post jew meta l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ospitanti fil-prattika ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw skont it-tieni paragrafu, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu din il-kwistjoni lill-AEAPX u jitolbu l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-AEAPX tista' tipparteċipa f'verifiki fuq il-post meta dawn jitwettqu b'mod konġunt minn żewġ awtoritajiet superviżorji jew aktar.”;

(7)

L-Artikolu 35 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja għandha tinbidel b'li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jippreżentaw lill-awtoritajiet superviżorji l-informazzjoni neċessarja għall-iskopijiet ta' superviżjoni, filwaqt li jqisu l-objettivi ta' superviżjoni kif stipulati fl-Artikoli 27 u 28. Tali informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa għal dan li ġej fit-twettiq tal-proċess imsemmi fl-Artikolu 36:”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 129(4), meta l-perjodi definiti minn qabel imsemmija fil-paragrafu 2(a)(i) ikunu inqas minn sena, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rappurtar superviżorju regolari, meta:

(a)

il-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni tkun ta' piż żejjed apparagun tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)

l-informazzjoni tkun irrapportata mill-inqas darba fis-sena.

L-awtoritajiet superviżorji m'għandhomx jillimitaw ir-rapportar superviżorju regolari bi freqeunza ta' anqas minn sena fil-każ ta' impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu parti minn grupp fis-sens tal-Artikolu 212(1)(c), sakemm l-impriża ma tkunx tista' turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li dak ir-rapportar superviżorju regolari bi frekwenza ta' anqas minn sena ma jkunx xieraq, minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-grupp.

Il-limitazzjoni għar-rapportar superviżorju regolari għandha tingħata biss lil impriżi li ma jirrappreżentawx iktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-ħajja jew mhux tal-ħajja rispettivament ta' Stat Membru, fejn is-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums grossi kontabilizzati u s-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet tekniċi grossi.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-iżgħar impriżi fid-determinazzjoni tal-eliġibilità tal-impriżi għal dawk il-limitazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet superviżorji kkonċernati jistgħu jillimitaw ir-rapportar superviżorju regolari jew jeżentaw lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni milli jirrapportaw fuq bażi ta' element b'element, meta:

(a)

il-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni tkun ta' piż żejjed apparagun tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-impriża;

(b)

il-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni ma tkunx neċessarja għas-superviżjoni effikaċi tal-impriża;

(c)

l-eżenzjoni ma ddgħajjifx l-istabilità tas-sistemi finanzjarji kkonċernati fl-Unjoni; u

(d)

l-impriża tkun kapaċi tipprovdi l-informazzjoni fuq bażi ad-hoc.

L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx jeżentaw mir-rapportar fuq bażi ta' element b'element lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jkunu parti minn grupp fis-sens tal-Artikolu 212(1)(c), sakemm l-impriża ma tkunx tista' turi għas-sodisfazzjon tal-awtorità superviżorja li dak ir-rapportar fuq bażi ta' element b'element ma jkunx xieraq, minħabba n-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-grupp u filwaqt li jitqies l-objettiv ta' stabilità finanzjarja.

L-eżenzjoni mir-rapportar fuq bażi ta' element b'element għandha tingħata biss lil impriżi li ma jirrappreżentawx iktar minn 20 % tas-suq tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tal-ħajja jew mhux tal-ħajja rispettivament, fejn is-sehem tas-suq mhux tal-ħajja jkun ibbażat fuq primjums grossi kontabilizzati u s-sehem tas-suq tal-ħajja jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet tekniċi grossi.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jagħtu prijorità lill-iżgħar impriżi fid-determinazzjoni tal-eliġibilità tal-impriżi għal dawk l-eżenzjonijiet.

8.   Għall-finijiet tal-paragrafi 6 u 7, bħala parti mill-proċess ta' reviżjoni superviżorja, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jivvalutaw jekk il-preżentazzjoni ta' informazzjoni tkun ta' piż żejjed apparagun tan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji tal-impriża, filwaqt li jitqiesu, mill-inqas:

(a)

il-volum ta' primjums, dispożizzjonijiet tekniċ u assi tal-impriża;

(b)

il-volatilità tad-pretensjonijiet u l-benefiċċji koperti mill-impriża;

(c)

ir-riskji tas-suq li joħolqu l-investimenti tal-impriża;

(d)

il-livell ta' konċentrazzjonijiet tar-riskju;

(e)

l-għadd totali ta' klassijiet ta' assigurazzjoni tal-ħajja u mhux tal-ħajja li għalihom tingħata awtorizzazzjoni;

(f)

l-effetti possibbli tal-ġestjoni tal-assi tal-impriża fuq l-istabilità finanzjarja;

(g)

is-sistemi u l-istrutturi tal-impriża biex tipprovdi informazzjoni għal skopijiet ta' superviżjoni u l-polza bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 5;

(h)

l-adattezza tas-sistema ta' governanza tal-impriża;

(i)

il-livell ta' fondi proprji li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u r-Rekwiżit Kapitali Minimu;

(j)

jekk l-impriża hijiex impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni captive li tkopri biss riskji assoċjati mal-grupp industrijali jew kummerċjali li tappartjeni għalih.

9.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu u l-iskadenzi għall-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni, bl-għan li tiġi żgurata l-firxa xierqa ta' konverġenza tar-rapportaġġ superviżorju.

10.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar ir-rapportar superviżorju regolari fir-rigward tal-mudelli għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni lill-awtoritajiet superviżorji msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

L-AEAPX għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-30 ta' Ġunju 2015.

Tingħata setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

11.   Biex tissaħħaħ l-applikazzjoni koerenti u konsistenti tal-paragrafi 6 u 7, l-AEAPX għandha toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 sabiex tispeċifika iżjed il-metodu li għandu jintuża biex jiġu ddeterminati l-ishma tas-suq imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafi 6 u 7.”;

(8)

L-Artikolu 37 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (b) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

l-awtorità superviżorja tikkonkludi li l-profil tar-riskju tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-rijassigurazzjoni jiddevja b'mod sinifikanti mis-suppożizzjonijiet sottostanti tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, kif ikkolkolat bl-użu ta' mudell intern jew mudell parzjali intern skont is-Subtaqsima 3, tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu VI minħabba ċerti riskji kwantifikabbli jinqabdu b'mod insuffiċjenti u l-adattament tal-mudell biex jirrifletti aħjar il-profil tar-riskju partikolari jkun falla f'perjodu xieraq ta' żmien;”;

(ii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

l-impriża ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni tapplika l-aġġustament għall-korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d jew il-miżuri tranżizzjonali msemmija fl-Artikoli 308c u 308d u l-awtorità superviżorja tikkonkludi li l-profil tar-riskju ta' dik l-impriża jiddevja b'mod sinifikanti mis-suppożizzjonijiet sottostanti ta' dawk l-aġġustamenti jew miżuri tranżizzjonali.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Fiċ-ċirkostanzi stipulati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, il-kapital miżjud għandu jiġi kkolkolat b'tali mod li jiżgura li l-impriża tikkonforma mal-Artikolu 101(3).

Fiċ-ċirkostanzi stipulati fil-punt (c) tal-paragrafu 1 il-kapital miżjud għandu jkun proporzjonat mar-riskji materjali li jirriżultaw min-nuqqasijiet li qajmu d-deċiżjoni tal-awtorità superviżorja biex tiġi stipulata ż-żieda.

Fiċ-ċirkostanzi stipulati fil-paragrafu 1(d), il-kapital miżjud għandu jkun proporzjonat mar-riskji materjali li jirriżultaw mi-devjazzjoni msemmija f'dak il-paragrafu.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu iżjed speċifikazzjonijiet għaċ-ċirkostanzi fejn tkun tista' tiġi imposta supplimentazzjoni kapitali.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu iżjed speċifikazzjonijiet għall-metodoloġiji għall-kalkolu ta' supplimentazzjonijiet kapitali.

8.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni relatati ma' dan l-Artikolu, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għal deċiżjonijiet biex jiġu stabbiliti, ikkalkulati u mneħħija s-supplimentazzjonijiet kapitali.

L-AEAPX għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(9)

fl-Artikolu 38(2), għandhom jiġu miżjuda s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta awtorità superviżorja tkun infurmat lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru dwar il-fornitur tas-servizz li beħsiebha twettaq spezzjoni fuq il-post f'konformità ma' dan il-paragrafu, jew meta twettaq spezzjoni fuq il-post f'konformità mal-ewwel subparagrafu meta dik l-awtorità superviżorja ma tkunx tista' fil-prattika teżerċita d-dritt tagħha li twettaq dik l-ispezzjoni fuq il-post, l-awtorità superviżorja tista' tirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u titlob l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni f'konformità mas-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu.

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-AEAPX għandha tkun intitolata tipparteċipa fi spezzjonijiet fuq il-post meta dawn jitwettqu b'mod konġunt minn żewġ awtoritajiet superviżorji jew aktar.”;

(10)

L-Artikolu 44 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament għall-korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b jew l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, għandhom jistabbilixxu pjan ta' likwidità li jipprojetta l-flussi ta' flus li deħlin u li ħerġin fir-rigward tal-assi u l-obbligazzjonijiet soġġetti għal dawk l-aġġustamenti.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Fir-rigward tal-ġestjoni tal-attiv u l-passiv, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jivvalutaw regolarment:

(a)

is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-fondi proprji eliġibbli tagħhom għas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-estrapolazzjoni tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 77a;

(b)

meta jiġi applikat l-aġġustament għall-korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b:

(i)

is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-fondi proprji eliġibbli tagħhom għas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-aġġustament għall-korrispondenza, inkluż il-kalkolu tal-firxa fundamentali msemmija fl-Artikolu 77c(1)(b), u l-effett possibbli ta' bejgħ sfurzat ta' assi fuq il-fondi proprji eliġibbli tagħhom;

(ii)

is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-fondi proprji eliġibbli tagħhom għal bidliet fil-kompożizzjoni tal-portafoll assenjat ta' assi;

(iii)

l-impatt ta' tnaqqis tal-aġġustament għall-korrispondenza għal żero;

(c)

meta jiġi applikat l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d:

(i)

is-sensittività tad-dispożizzjonijiet tekniċi u l-fondi proprji eliġibbli tagħhom għas-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-aġġustament għall-volatilità u l-effett possibbli ta' bejgħ sfurzat ta' assi fuq il-fondi proprji eliġibbli tagħhom;

(ii)

l-impatt ta' tnaqqis tal-aġġustament għall-volatilità għal żero.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jippreżentaw il-valutazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu annwalment lill-awtorità superviżorja bħala parti mill-informazzjoni rapportata skont l-Artikolu 35. Meta t-tnaqqis tal-aġġustament għall-korrispondenza jew tal-aġġustament għall-volatilità għal żero jirriżulta f'nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, l-impriża għandha tissottometti wkoll analiżi tal-miżuri li tista' tapplika f'sitwazzjoni bħal din biex terġa' tistabbilixxi l-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex tnaqqas il-profil tar-riskju tagħha biex tiżgura l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Meta jkun applikat l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, il-politika miktuba dwar il-ġestjoni tar-riskju msemmija fl-Artikolu 41(3) għandha tinkludi politika dwar il-kriterji għall-applikazzjoni tal-aġġustament għall-volatilità.”;

(c)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Sabiex tiġi evitata dipendenza żejda fuq istituzzjonijiet esterni ta' valutazzjoni tal-kreditu meta jużaw valutazzjoni esterna tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fil-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi u r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jivvalutaw l-adegwatezza ta' dawn il-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu bħala parti mill-ġestjoni tar-riskju tagħhom billi jużaw valutazzjonijiet addizzjonali meta jkun possibbli fil-prattika sabiex tkun evitata kwalunkwe dipendenza awtomatika fuq valutazzjonijiet esterni.

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta 'applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, L-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-valutazzjonijiet esterni tal-kreditu.

L-AEAPX għandha tippreżenta dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(11)

fl-Artikolu 45, għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Meta l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika l-aġġustament għall-korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d jew il-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 308c u 308d, għandha twettaq il-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti kapitali msemmija fil-paragrafu 1(b) u mingħajr ma tqis dawk l-aġġustamenti u l-miżuri tranżitorji.”;

(12)

L-Artikolu 50 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 50

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a sabiex tispeċifika iżjed dan li ġej:

(a)

l-elementi tas-sistemi msemmija fl-Artikoli 41, 44, 46 u 47, u b'mod partikolari l-oqsma li għandhom jiġu koperti mill-immaniġġjar tal-assi u l-obbligazzjonijiet u l-politika tal-investiment, kif imsemmi fl-Artikolu 44(2), tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni.

(b)

il-funzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 44, 46, 47 u 48.

2.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' din it-Taqsima, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 42 u l-funzjonijiet soġġetti għal dan;

(b)

il-kundizzjonijiet għall-esternalizzazzjoni, b'mod partikolari lil fornituri tas-servizzi li jkunu stazzjonati f'pajjiżi terzi.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 45(1)(a), l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika aktar l-elementi ta' dik il-valutazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(13)

L-Artikolu 51 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

“1a.   Fejn jiġi applikat l-aġġustament ta' korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b, id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(d) għandha tinkludi deskrizzjoni tal-aġġustament ta' korrispondenza u tal-portafoll tal-obbligi u l-assi assenjati li għalihom huwa applikat l-aġġustament ta' korrispondenza, kif ukoll kwantifikazzjoni tal-impatt ta' bidla għal żero tal-aġġustament ta' korrispondenza fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża.

Id-deskrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(d) għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni dwar jekk l-aġġustament ta' volatilità msemmi fl-Artikolu 77d jintużax mill-impriża u kwantifikazzjoni tal-impatt ta' bidla għal żero tal-aġġustament ta' volatilità fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Madankollu, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe divulgazzjoni li tkun mandatorja skont kwalunkwe rekwiżit legali jew regolatorju ieħor, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, għalkemm ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmi fil-l-paragrafu 1(e)(ii) jiġi divulgat, matul perjodu tranżitorju li jintemm mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2020 is-supplimentazzjoni kapitali jew l-impatt tal-parametri speċifiċi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun mitluba li tuża f'konformita' mal-Artikolu 110 ma jkunux meħtieġa li jiġu divulgati separatament.”;

(14)

L-Artikolu 52 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 52

Informazzjoni għall-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u rapporti mingħandha

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet superviżorji jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-AEAPX fuq bażi annwali:

(a)

is-supplimentazzjoni kapitali medja għall kull impriża u d-distribuzzjoni tas-supplimentazzjonijiet kapitali imposti mill-awtorità superviżorja tul is-sena ta' qabel, imkejla bħala perċentwal tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, murija separatament għal:

(i)

impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kollha;

(ii)

impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja;

(iii)

impriżi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja;

(iv)

impriżi tal-assigurazzjoni li jeżerċitaw attivitajiet kemm tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja;

(v)

impriżi tar-riassigurazzjoni;

(b)

għal kull divulgazzjoni stabbilita fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu, il-proporzjon ta' supplimentazzjonijiet kapitali impost skont l-Artikolu 37(1)(a),(b) u (c) rispettivament.

(c)

in-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jibbenefikaw mil-limitazzjoni mir-rappurtar superviżorju regolari u n-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' rappurtar fuq bażi ta' entrata entrata msemmija fl-Artikolu 35(6) u (7), flimkien mal-volum tagħhom ta' rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi, imkejla rispettivament bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-Istat Membru;

(d)

in-numru ta' gruppi li jibbenefikaw mil-limitazzjoni mir-rappurtar superviżorju regolari u n-numru ta' gruppi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' rappurtar fuq bażi ta' entrata entrata msemmija fl-Artikolu 254(2), flimkien mal-volum tagħhom ta' rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi, imkejla rispettivament bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi tal-gruppi kollha;

2.   L-AEAPX għandha tiddivulga pubblikament, fuq bażi annwali, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

għall-Istati Membri kollha, id-distribuzzjoni totali ta' supplimentazzjonijiet kapitali, imkejla bħala perċentwal tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, għal kull wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni;

(ii)

impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja;

(iii)

għall-impriżi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja;

(iv)

impriżi tal-assigurazzjoni li jeżerċitaw attivitajiet kemm tal-ħajja kif ukoll mhux tal-ħajja;

(v)

impriżi tar-riassigurazzjoni;

(b)

għal kull Stat Membru meħud separatament, id-distribuzzjoni totali ta' supplimentazzjonijiet kapitali, imkejla bħala perċentwal tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, li tkopri l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f'dak l-Istat Membru;

(c)

għal kull attività ta' divulgazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) ta' dan il-paragrafu, il-proporzjon ta' supplimentazzjonijiet kapitali imposti skont l-Artikolu 37(1)(a),(b) u (c) rispettivament.

(d)

għall-Istati Membri kollha kollettivament, in-numru totali ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u gruppi li jibbenefikaw mil-limitazzjoni mir-rappurtar superviżorju regolari u n-numru totali ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-gruppi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' rappurtar fuq bażi ta' entrata entrata msemmija fl-Artikolu 35(6) u (7) u l-Artikolu 254(2), flimkien mal-volum tagħhom ta' rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi, imkejla rispettivament bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u tal-gruppi kollha;

(e)

għal kull Stat Membru separatament, in-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jibbenefikaw mil-limitazzjoni mir-rappurtar superviżorju regolari u n-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-gruppi li jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta' rappurtar fuq bażi ta' entrata entrata msemmija fl-Artikolu 35(6) u (7) u l-Artikolu 254(2), flimkien mal-volum tagħhom ta' rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi, imkejla rispettivament bħala perċentwali tal-volum totali tar-rekwiżiti kapitali, primjums, dispożizzjonijiet tekniċi u assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-gruppi tal-Istat Membru;

3.   L-AEAPX għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien ma' rapport li jiddeskrivi fil-qosor il-grad ta' konverġenza superviżorja fl-użu ta' supplimentazzjonijiet kapitali bejn l-awtoritajiet superviżorji fl-Istati Membri differenti.”;

(15)

L-Artikolu 56 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 56

Rapport dwar il-kundizzjoni ta' solvenza u dik finanzjarja: atti delegati u standards tekniċi ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a, sabiex tispeċifika iżjed l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata u l-iskadenzi għad-divulgazzjoni annwali tal-informazzjoni skont it-Taqsima 3.

Sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta' applikazzjoni uniformi ta' din it-Taqsima, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri, l-formati u l-mudelli.

L-AEAPX għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Qed tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(16)

fl-Artikolu 58, il-paragrafu 8 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' din it-Taqsima, l-AEAPX tista' tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi lista eżawrjenti ta' informazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 59(4), li għandha tiġi inkluża minn akkwirenti proposti fin-notifika tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 58(2).

Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward ta' din it-Taqsima u biex tikkunsidra żviluppi futuri, l-AEAPX għandha, suġġetta għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-aġġustamenti tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 59(1).

Għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

9.   Sabiex tiżgura li jkun hemm kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-AEAPX tista' tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri, l-formuli u mudelli għall-proċess tal-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 60.

Għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(17)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 65a

Kooperazzjoni mal-AEAPX

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jikkooperaw mal-AEAPX għall-finijiet ta' din id-Direttiva f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jipprovdu lill-AEAPX, mingħajr dewmien, bl-informazzjoni kollha neċessarja biex twettaq dmirijietha f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(18)

għandu jiżdied l-Artikolu li ġej:

“L-Artikolu 67a

Is-setgħat ta' investigazzjoni tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 64 u 67 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' investigazzjoni mogħtija lill-Parlament Ewropew bl-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFEU).”;

(19)

fl-Artikolu 69, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Divulgazzjoni bħal din għandha ssir biss fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' kontroll prudenzjali. L-Istati Membri għandhom, madankollu, jipprovdu dik l-informazzjoni li jkunu rċievu skont l-Artikoli 65 u 68(1), u l-informazzjoni miksuba permezz ta' verifika fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 33, tista' tiġi divulgata biss bill-kunsens speċifiku tal-awtorità superviżorja li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni jew l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru li fih tkun saret il-verifika fuq il-post.”;

(20)

L-Artikolu 70 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 70

Trażmissjoni ta' informazzjoni lill-banek ċentrali, lill-awtoritajiet monetarji, lis-superviżuri tas-sistemi ta' pagament u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 64 sa 69, awtorità superviżorja tista' tittrażmetti informazzjoni maħsuba għat-twettiq tal-kompiti tagħhom lil dawn li ġejjin:

(a)

il-banek ċentrali tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ), inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u korpi oħra b'funzjoni simili fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji meta din l-informazzjoni tkun rilevanti għall-kompiti statutorji rispettivi tagħhom, inkluż it-twettiq tal-politika monetarja u l-forniment relatat ta' likwidità, is-sorveljanza tas-sistemi ta' pagament, tal-ikklerjar u tas-saldu tat-titoli u l-issalvagwardjar tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

(b)

fejn ikun xieraq, awtoritajiet pubbliċi nazzjonali oħra responsabbli li jissorveljaw sistemi ta' pagament; u

(c)

l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****), fejn dik l-informazzjoni tkun rilevanti biex iwettaq il-kompiti tiegħu.

2.   F'sitwazzjoni ta' emerġenza, inkluża sitwazzjoni ta' emerġenza kif imsemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-Istati Membri għandhom iħallu lill-awtoritajiet kompetenti jikkomunikaw, mingħajr dewmien, informazzjoni lill-banek ċentrali tas-SEBĊ, inkluż il-BĊE meta dik l-informazzjoni tkun rilevanti għall-kompiti statutorji tagħhom inkluż it-twettiq tal-politika monetarja u u l-forniment relatat ta' likwidità, is-sorveljanza tal-pagamenti, l-ikklerjar u s-sistemi tas-saldu tal-pagamenti u t-titoli, is-salvagwardjar tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u lill-BERS meta din l-informazzjoni tkun rilevanti għall-kompiti tiegħu.

3.   Dawn l-awtoritajiet jew korpi jistgħu wkoll jikkomunikaw lill-awtoritajiet superviżorji dik l-informazzjoni li jista' jkollhom bżonn għall-finijiet tal-Artikolu 67. L-informazzjoni rċevuta f'dan il-kuntest għandha tkun suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar is-segretezza professjonali stabbilit f'din it-Taqsima.

(****)  Ir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).”;"

(21)

L-Artikolu 71 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-eżerċitar ta' dmirijiethom l-awtoritajiet superviżorji jikkunsidraw il-konverġenza għal dak li jirrigwarda l-għodod superviżorji u l-prassi superviżjorji fl-applikazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u r-rekwiżiti amministrattivi adottati skont din id-Direttiva. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

l-awtoritajiet superviżorji jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-AEAPX;

(b)

l-awtoritajiet superviżorji jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw mal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-AEAPX skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u jiddikjaraw ir-raġunijiet jekk ma jagħmlux dan;

(c)

il-mandati nazzjonali kkonferiti lill-awtoritajiet superviżorji ma jfixklux it-twettiq ta' dmirijiethom bħala membri tal-AEAPX jew skont din id-Direttiva.”;

(b)

jitħassar il-paragrafu 3;

(22)

fl-Artikolu 75, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a sabiex tistabilixxi l-metodi u s-suppożizzjonijiet li għandhom jintużaw fl-istimar tal-assi u l-obbligazzjonijiet kif stabbilit fil-paragrafu 1.

3.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-istima tal-assi u l-obbligazzjonijiet, l-AEAPX għandha, suġġetta għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-punt safejn l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 jeħtieġu l-użu ta' standards ta' kontabbiltà internazzjonali kif adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002, il-konsistenza ta' dawk l-istandards ta' kontabbiltà mal-approċċ ta' valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

il-metodi u s-suppożizzjonijiet li għandhom jintużaw fejn il-prezzijiet kwotati tas-suq jew ma jkunux disponibbli jew fejn standards kontabilistiċi internazzjonali, kif adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 ikunu temporanjament jew permanentement inkonsistenti mal-approċċ tal-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet kif stabbilit fil-paragrafi 1 u 2.

(c)

il-metodi u s-suppożizzjonijiet li għandhom jintużaw fl-istimar tal-assi u l-obbligazzjonijiet kif stipulati fil-paragrafu 1, fejn l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 2 jippermettu l-użu ta' metodi alternattivi ta' valwazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(23)

għandhom jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 77a

Estrapolazzjoni tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax bla riskju rilevanti

Id-determinazzjoni tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 77(2) għandha tagħmel użu mill-informazzjoni li ġejja minn strumenti finanzjarji rilevanti u tkun konsistenti magħha. Dik id-determinazzjoni għandha tikkunsidra l-istrumenti finanzjarji rilevanti ta' dawk il-maturitajiet fejn is-swieq għal dawk l-istrumenti finanzjarji kif ukoll għall-bonds ikunu profondi, likwidi u trasparenti. Għal maturitajiet fejn is-swieq għall-istrumenti finanzjarji rilevanti jew għal bonds ma jkunux għadhom profondi, likwidi u trasparenti, l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti għandha tiġi estrapolata.

Il-parti estrapolata tal-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandha tkun ibbażata fuq rati forward li jikkonverġu gradwalment minn rata tal-imgħax waħda jew sett ta' rati tal-imgħax fir-rigward tal-itwal maturitajiet li għalihom l-istrumenti finanzjarji rilevanti u l-bonds f'dik il-valuta jistgħu jiġu osservati f'suq profond, likwidu u trasparenti sa rata forward aħħarija.

Artikolu 77b

Aġġustament ta' korrispondenza għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu japplikaw aġġustament ta' korrispondenza għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju biex jikkalkolaw l-aħjar stima ta' portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni tal-ħajja u tar-riassigurazzjoni, inklużi l-annwalitajiet li jirriżultaw minn kuntratti tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja u riassigurazzjonijiet soġġetti għal approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji fejn jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun assenjat portafoll ta' assi, li jikkonsistu f'bonds u assi oħrajn b'karatteristiċi simili ta' flussi ta' flus, biex tkopri l-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u żżomm dik l-assenjazzjoni sakemm idumu jeżistu dawk l-obbligi, ħlief għall-fini taż-żamma tar-replikazzjoni tal-flussi ta' flus mistennija bejn l-assi u l-obbligazzjonijiet fejn il-flussi ta' flus ikunu nbidlu b'mod materjali;

(b)

il-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li għalih huwa applikat l-aġġustament ta' korrispondenza u l-portafoll assenjat tal-assi huma identifikati, organizzati u mmaniġġjati separatament minn attivitajiet oħra tal-impriżi, u l-portafoll assenjat tal-assi ma jistax jintuża biex ikopri telf li jirriżulta minn attivitajiet oħra tal-impriżi;

(c)

il-flussi ta' flus mistennija tal-portafoll assenjat ta' assi jirrepplikaw kull wieħed mill-flussi ta' flus previsti tal-portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fl-istess valuta u kwalunkwe nuqqas ta' korrispondenza ma joħloqx riskji li huma materjali fir-rigward tar-riskji inerenti fin-negozju tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li għalih jiġi applikat aġġustament ta' korrispondenza;

(d)

il-kuntratti li fuqhom huwa bbażat il-portafoll tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jagħtux lok għal pagamenti ta' primjums futuri;

(e)

l-uniċi riskji ta' sottoskrizzjoni marbuta mal-portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni huma r-riskju tal-lonġevità, ta' spiża, ta' reviżjoni u ta' mortalità;

(f)

fejn ir-riskju ta' sottoskrizzjoni marbut mal-portafoll tal-obbligazzjonijiet ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jinkludi r-riskju tal-mortalità, l-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jiżdiedx b'aktar minn 5 % taħt stress tar-riskju tal-mortalità li hu kkalibrat skont l-Artikolu 101(2) sa (5);

(g)

il-kuntratti li fuqhom ikun ibbażat il-portafoll ta' obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ma jinkludu l-ebda opzjoni għad-detentur tal-polza jew opzjoni ta' ċessjoni biss fejn il-valur ta' ċessjoni ma jaqbiżx il-valur tal-assi, ivvalutati skont l-Artikolu 75, li jkopru l-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-mument li fih tiġi eżerċitata l-opzjoni taċ-ċessjoni;

(h)

il-flussi ta' flus tal-portafoll assenjat ta' assi huma fissi u ma jistgħux jinbidlu mill-emittenti tal-assi jew minn kwalunkwe parti terza;

(i)

l-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' kuntratt ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni mhumiex maqsumin f'partijiet differenti meta jiffurmaw il-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għall-fini ta' dan il-paragrafu.

Minkejja l-punt (h) tal-ewwel subparagrafu, l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jistgħu jużaw assi fejn il-flussi tal-flus ikunu fissi ħlief għal dipendenza fuq l-inflazzjoni, sakemm dawk l-assi jirrepplikaw il-flussi tal-flus tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jiddependu fuq l-inflazzjoni.

Fil-każ li l-emittenti jew il-partijiet terzi jkollhom id-dritt li jibdlu l-flussi tal-flus ta' assi b'tali mod li l-investitur jirċievi kumpens suffiċjenti biex ikun jista' jikseb l-istess flussi tal-flus billi jerġa' jinvesti f'assi ta' kreditu ta' kwalità ekwivalenti jew aħjar, id-dritt li jibdlu l-flussi tal-flus m'għandux jiskwalifika l-assi għall-ammissibbiltà għall-portafoll assenjat skont il-punt (h) tal-ewwel subparagrafu.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw l-aġġustament ta' korrispondenza għal portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni m'għandhomx jerġgħu jħaddnu approċċ li ma jinkludix aġġustament ta' korrispondenza. Meta impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li tapplika l-aġġustament ta' korrispondenza ma tkunx tista' iktar tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandha tinforma immedjatament lill-awtorità superviżorja u tieħu l-miżuri neċessarji biex jerġa' jkun hemm konformita' ma' dawk il-kundizzjonijiet. Meta l-impriża ma tkunx tista' terġa' tistabbilixi konformità ma' dawk il-kundizzjonijiet fi żmien xahrejn mid-data tan-nuqqas ta' konformità, għandha tieqaf tapplika l-aġġustament ta' korrispondenza għal kwalunkwe wieħed mill-obbligazzjonijiet tagħha tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u m'għandhiex tapplika l-aġġustament ta' korrispondenza għal perjodu ta' 24 xahar oħra.

3.   L-aġġustament ta' korrispondenza m'għandux jiġi applikat fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fejn l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti biex tikkalkola l-aħjar stima tinkludi aġġustament fil-volatilità skont l-Artikolu 77d jew miżura tranżizzjonali fuq ir-rati ta' interess bla riskju taħt l-Artikolu 308c.

Artikolu 77c

Kalkolu tal-aġġustament ta' korrispondenza

1.   Għal kull munita l-aġġustament ta' korrispondenza msemmi fl-Artikolu 77b għandu jiġi kkalkolat skont dawn il-prinċipji li ġejjin:

(a)

l-aġġustament ta' korrispondenza irid ikun ugwali għad-differenza ta' dawn li ġejjin:

(i)

ir-rata effettiva annwali, ikkalkulata bħala r-rata ta' skont unika, meta applikata għall-flussi ta' flus tal-portafoll tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, tirriżulta għal valur li jkun ugwali għall-valur skont l-Artikolu 75 tal-portafoll ta' assi assenjati;

(ii)

ir-rata effettiva annwali, ikkalkulata bħala r-rata ta' skont unika li, meta applikata għall-flussi ta' flus tal-portafoll ta' obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, tirrizulta f'valur li jkun ugwali għall-valur tal-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni meta l-valur taż-żmien tal-flus jiġi kkunsidrat bl-użu tal-istruttura tat-terminu bażika tar-rata tal-imgħax bla riskju;

(b)

l-aġġustament ta' korrispondenza ma jridx jinkludi l-firxa fundamentali li tirrifletti r-riskji miżmuma mill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni;

(c)

minkejja l-punt (a), il-firxa fundamentali trid tiżdied fejn ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-aġġustament ta' korrispondenza għall-assi ta' kwalità ta' kreditu tal-grad ta' sottoinvestiment ma jaqbiżx l-aġġustamenti ta' korrispondenza għall-assi ta' kwalità ta' kreditu tal-grad ta' investiment u l-istess dewmien u klassi tal-assi;

(d)

l-użu ta' valutazzjonijiet esterni tal-kreditu fil-kalkolu tal-aġġustament tal-korrispondenza irid ikun konformi mal-Artikolu 111(1)(n).

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b), il-firxa fundamentali għandha tkun:

(a)

ugwali għas-somma ta' dan li ġej:

(i)

il-firxa tal-kreditu li tikkorrispondi għall-probabbiltà ta' inadempjenza tal-assi;

(ii)

il-firxa tal-kreditu li tikkorrispondi għat-telf mistenni li jirriżulta mid-degradazzjoni tal-assi;

(b)

għall-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali u l-banek ċentrali tal-Istati Membri, mhux inqas minn 30 % tal-medja fuq perjodu twil tal-firxa fuq ir-rata tal-imgħax mingħajr riskju tal-assi bl-istess perjodu ta' validità, kwalità tal-kreditu u klassi tal-assi, kif osservat fis-swieq finanzjarji;

(c)

għal assi għajr skoperturi għal gvernijiet ċentrali u l-banek ċentrali tal-Istati Membri, mhux inqas minn 35 % tal-medja fuq perjodu twil tal-firxa meta mqabbla mar-rata ta' imgħax mingħajr riskju tal-assi bl-istess perjodu ta' validità, kwalità tal-kreditu u klassi tal-assi, kif osservat fis-swieq finanzjarji.

Il-probabbilta ta' inadempjenza msemmija fil-punt (a)(i) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun ibbażata fuq statistika ta' inadempjenza fuq perjodu twil li tkun rilevanti għall-assi fir-rigward tal-perjodu ta' validità, il-kwalità tal-kreditu u l-klassi tal-assi.

Meta l-ebda firxa tal-kreditu affidabbli ma tista' tiġi derivata mill-istatistika ta' inadempjenza msemmija fit-tieni subparagrafu, il-firxa fundamentali għandha tkun ugwali għall-porzjon tal-medja fuq perjodu twil tal-firxa fuq ir-rata tal-imgħax mingħajr riskju stipulata fil-punti (b) u (c).

Artikolu 77d

Aġġustament ta' volatilità għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju

1.   L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu approvazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet superviżorji għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex japplikaw aġġustament ta' volatilità għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju biex tiġi kkalkolata l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2).

2.   Għal kull munita rilevanti, l-aġġustament ta' volatilità għall-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju għandu jkun ibbażat fuq il-firxa bejn ir-rata ta' interess li tista' tinqala mill-assi inklużi f'portafoll ta' referenza għal dik il-munita u r-rati tal-istruttura rilevanti bażika tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju.

Il-portafoll ta' referenza għal munita għandu jkun rappreżentattiv għall-assi li huma denominati f'dik il-munita u li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni huma investiti fihom biex ikopru l-aħjar stima għall-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni denominati f'dik il-munita.

3.   L-ammont tal-aġġustament ta' volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju għandu jikkorrispondi għal 65 % tal-firxa tal-munita b'riskju kkorreġut.

Il-firxa tal-munita b'riskju kkorreġut għandha tiġi kkalkolata bħala d-differenza bejn il-firxa msemmija fil-paragrafu 2 u l-porzjon ta' dik il-firxa li hija attribwibbli għal valutazzjoni realistika tat-telf mistenni jew tal-kreditu mhux mistenni jew ta' riskju ieħor tal-assi.

L-aġġustament ta' volatilità għandu japplika biss għar-rati rilevanti tal-imgħax mingħajr riskju tal-istruttura tat-terminu li mhumiex derivati permezz ta' estrapolazzjoni skont l-Artikolu 77a. L-estrapolazzjoni tal-istruttura rilevanti tat-terminu tar-rata ta' interess mingħajr riskju għandha tkun ibbażata fuq dawn ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju aġġustati.

4.   Għal kull pajjiż rilevanti, l-aġġustament ta' volatilità għar-rati tal-imgħax mingħajr riskju msemmi fil-paragrafu 3 għall-munita ta' dak il-pajjiż għandu, qabel l-applikazzjoni tal-fattur ta' 65 % jiżdied bid-differenza bejn il-firxa tal-pajjiż b'riskju kkorreġut u darbtejn il-firxa tal-munita kkorreġuta għar-riskju, kull meta d-differenza tkun pożittiva u l-firxa tal-pajjiż b'riskju kkorreġut tkun ogħla minn 100 punt bażiku. L-aġġustament ta' volatilità miżjud għandu jiġi applikat għall-kalkolu tal-aħjar stima għall-obbligazzjonijiet ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni tal-prodotti mibjugħa fis-suq tal-assigurazzjoni ta' dak il-pajjiż. Il-firxa tal-pajjiż b'riskju kkorreġut hija kkalkolata bl-istess mod bħall-firxa tal-munita b'riskju kkorreġut għall-munita ta' dak il-pajjiż, iżda bbażata fuq portafoll ta' referenza li huwa rappreżentattiv għall-assi li fihom huma investiti impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex ikopru l-aħjar stima għall-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' prodotti mibjugħa fis-suq tal-assigurazzjoni ta' dak il-pajjiż u ddenominati fil-munita ta' dak il-pajjiż.

5.   L-aġġustament ta' volatilità m'għandux jiġi applikat fir-rigward tal-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni meta l-istruttura adattata tat-terminu rilevanti tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju biex tiġi kkalkolata l-aħjar stima għal dawk l-obbligazzjonijiet tinkludi aġġustament ta' korrispondenza skont l-Artikolu 77b.

6.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 101, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza m'għandux ikopri r-riskju ta' telf tal-fondi proprji bażiċi li jirriżulta mill-bidliet tal-aġġustament ta' volatilità.

Artikolu 77e

Informazzjoni teknika prodotta mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol

1.   L-AEAPX għandha tistabbilixxi u tippubblika għal kull munita rilevanti l-informazzjoni teknika li ġejja għall-anqas fuq bażi trimestrali:

(a)

struttura rilevanti tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju biex tiġi kkalkolata l-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2), mingħajr kwalunkwe aġġustament ta' korrispondenza jew aġġustament ta' volatilità;

(b)

għal kull dewmien rilevanti, il-kwalità tal-kreditu u l-klassi tiegħu, firxa fundamentali għall-kalkolu tal-aġġustament ta' korrispondenza msemmija fl-Artikolu 77c(1)(b);

(c)

għal kull suq tal-assigurazzjoni nazzjonali rilevanti, aġġustament tal-volatilità għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 77d(1).

2.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-kalkolu ta' dispożizzjonijiet tekniċi u fondi proprji bażiċi, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dik l-informazzjoni teknika għal kull munita rilevanti l-informazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 301(2).

Minħabba raġunijiet imperattivi ta' urġenza ġġustifikati kif jixraq relatati mad-disponibilità tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 301(3).

3.   Meta l-informazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 1 tiġi adottata mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 2, l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jużaw dik l-informazzjoni teknika biex jikkalkolaw l-aħjar stima skont l-Artikolu 77, l-aġġustament ta' korrispondenza skont l-Artikolu 77c, u l-aġġustament ta' volatilità skont l-Artikolu 77d.

Fir-rigward tal-muniti u s-swieq nazzjonali fejn l-aġġustament imsemmi fil-paragrafu 1(c) ma jkunx stabbilit fl-atti ta' implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, l-ebda aġġustament tal-volatilità m'għandu jiġi applikat għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti biex tiġi kkalkolata l-aħjar stima.

Artikolu 77f

Rieżami tal-miżuri tal-garanziji fuq terminu twil u miżuri dwar ir-riskju tal-ekwitajiet

1.   L-AEAPX għandha, fuq bażi annwali u sal-1 ta' Jannar 2021, tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-applikazzjoni tal-Artikoli 77a sa 77e u 106, l-Artikolu 138(4) u l-Artikoli 304, 308c u 308d, inklużi l-atti delegati jew l-atti ta' implimentazzjoni adottati f'konformità magħhom.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fuq bażi annwali matul dak il-perjodu, jipprovdu lill-AEAPX b'din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-disponibilità tal-garanziji fuq terminu twil fil-prodotti tal-assigurazzjoni fis-swieq nazzjonali tagħhom u l-imġiba tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni bħala investituri fuq terminu twil;

(b)

In-numru ta' impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw l-aġġustament ta' korrispondenza, l-aġġustament tal-volatilità, l-estensjoni tal-perjodu ta' rkupru skont l-Artikolu 138(4), is-sottomodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-dewmien u l-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 308c u 308d;

(c)

l-impatt fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-aġġustament ta' korrispondenza, l-aġġustament tal-volatilità, il-mekkaniżmu tal-aġġustament simetriku għall-imposta tal-kapital tal-ekwità, is-sottomodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-dewmien u l-miżuri tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikoli 308c u 308d, fil-livell nazzjonali u b'mod anonimu għal kull impriża;

(d)

l-effett tal-aġġustament ta' korrispondenza, l-aġġustament ta' volatilità, il-mekkaniżmu tal-aġġustament simetriku għall-imposta tal-kapital tal-ekwità u s-sottomodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-dewmien fuq l-imġiba tal-investiment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u jekk jipprovdux salvataġġ tal-kapital mhux xieraq;

(e)

l-effett ta' kull estensjoni tal-perjodu ta' rkupru skont l-Artikolu 138(4) fuq l-isforzi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex jerġa' jiġi stabbilit il-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex jitnaqqas il-profil tar-riskju sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(f)

fejn l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni japplikaw il-miżuri tranziżżjonali stabbiliti fl-Artikoli 308c u 308d, jekk jikkonformawx mal-pjanijiet ta' introduzzjoni progressiva msemmija fl-Artikolu 308e u l-prospetti għal dipendenza mnaqqsa fuq dawn il-miżuri tranżizzjonali, inklużi l-miżuri li ttieħdu jew li huma mistennija li jittieħdu mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-ambjent regolatorju tal-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-AEAPX, fejn xieraq wara li tikkonsulta l-BERS u wara li twettaq konsultazzjoni pubblika, għandha tippreżenta lill-Kummissjoni opinjoni dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikoli 77a sa 77e u 106, l-Artikolu 138(4), u l-Artikoli 304, 308c u 308d, inklużi l-atti delegati jew l-atti ta' implimentazzjoni adottati bi qbil magħhom. Dik il-valutazzjoni għandha ssir fir-rigward tad-disponibbiltà ta' garanziji fuq terminu twil fi prodotti tal-assigurazzjoni, l-imġiba tal-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni bħala investituri fuq perjodi twal ta' żmien u, b'mod aktar ġenerali, l-istabbiltà finanzjarja.

3.   Abbażi ta' opinjoni ppreżentata mill-AEAPX, msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-1 ta' Jannar 2021, jew, fejn xieraq, aktar kmieni. Ir-rapport għandu jiffoka, b'mod partikolari, fuq l-effetti fuq:

(a)

il-ħarsien tad-detenturi tal-poloz;

(b)

il-funzjonament u l-istabbiltà tas-swieq Ewropej tal-assigurazzjoni;

(c)

is-suq intern u b'mod partikolari l-kompetizzjoni u l-kundizzjonijiet ugwali fis-swieq Ewropej tal-assigurazzjoni;

(d)

kemm l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jibqgħu joperaw bħala investituri fuq perjodu twil ta' żmien;

(e)

id-disponibbiltà u l-ipprezzar tal-prodotti ta' renti;

(f)

id-disponibbiltà u l-ipprezzar ta' prodotti f'kompetizzjoni;

(g)

strateġiji ta' investiment fuq perjodu twil ta' żmien minn impriżi tal-assigurazzjoni fir-rigward ta' prodotti li għalihom jiġu applikati l-Artikoli 77b u 77c meta mqabbla ma' dawk marbuta ma' garanziji oħra fuq perjodu twil ta' żmien;

(h)

l-għażla tal-konsumaturi u l-għarfien tal-konsumaturi dwar ir-riskju;

(i)

il-grad ta' diversifikazzjoni fin-negozju tal-assigurazzjoni u l-portafoll tal-assi tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni;

(j)

l-istabbiltà finanzjarja.

Barra minn hekk, ir-rapport għandu jibni fuq l-esperjenza superviżorja marbuta mal-applikazzjoni tal-Artikoli 77a sa 77e u 106, l-Artikolu 138(4) u l-Artikoli 304, 308c u 308d, inklużi l-atti delegati jew l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont dawk l-Artikoli.

4.   Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jiġi akkumpanjat, jekk hu neċessarju, minn proposti leġislattivi.”;

(24)

L-Artikolu 86 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 86

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jistabilixxu dan li ġej:

(a)

metodoloġiji attwarjali u statistiċi għall-kalkolu tal-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2);

(b)

il-metodoloġiji, il-prinċipji u t-tekniki għad-determinazzjoni tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-aħjar stima msemmija fl-Artikolu 77(2);

(c)

iċ-ċirkostanzi li fihom il-provvedimenti tekniċi għandhom jiġu kkalkulati bħala total, jew bħala somma tal-aħjar stima u marġni tar-riskju, u l-metodi li għandhom jintużaw fil-każ fejn provvedimenti tekniċi jiġu kkalkulati fit-total, kif imsemmi fl-Artikolu 77(4);

(d)

il-metodi u s-suppożizzjonijiet li għandhom jintużaw fil-kalkolu tal-marġni tar-riskju inkluża d-determinazzjoni tal-ammont ta' fondi proprji eliġibbli meħtieġa għas-sostenn tal-obbligi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-kalibrazzjoni tar-rata tal-kost tal-kapital, kif imsemmi fl-Artikolu 77(5);

(e)

il-linji tan-negozju li fuq il-bażi tagħhom l-obbligazzjonijiet tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jiġu segmentati sabiex jiġu kkalkulati l-provvedimenti tekniċi msemmija fl-Artikolu 80;

(f)

l-istandards li għandhom jintlaħqu għal dak li jirrigwarda l-iżgurar tal-adattezza, il-kompletezza u l-akkuratezza tad-data użata fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi, u ċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom ikun xieraq li tintuża approssimizzazzjoni, inkluż l-approċċi każ b'każ, għall-kalkolu tal-aħjar stima, kif imsemmi fl-Artikolu 82;

(g)

speċifikazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 77b(1) inklużi l-metodi, is-suppożizzjonijiet u l-parametri standard li għandhom jintużaw meta jiġi kkalkolat l-impatt tal-istress tar-riskju tal-mortalità msemmi fl-Artikolu 77b(1)(e);

(h)

speċifikazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 77c inklużi s-suppożizzjonijiet u l-metodi li għandhom jiġu applikati fil-kalkolu tal-aġġustament ta' korrispondenza u l-firxa fundamentali;

(i)

metodi u suppożizzjonijiet għall-kalkolu tal-aġġustament ta' volatilità msemmi fl-Artikolu 77d inkluża formola għall-kalkolu tal-firxa msemmija fl-Artikolu 2 ta' dak l-Artikolu.

2.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-metodi għall-kalkoli ta' dispożizzjonijiet tekniċi, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

il-metodoloġiji li għandhom jintużaw fil-kalkolu tal-aġġustament għall-inadempjenza tal-kontroparti msemmi fl-Artikolu 81 iddisinjat sabiex jaqbdu t-telf mistenni minħabba l-inadempjenza tal-kontroparti;

(b)

fejn meħtieġ, metodi u tekniċi simplifikati biex jiġu kkalkolati d-dispożizzjonijiet tekniċi, sabiex jiġi żgurat li l-metodi attwarji u statistiċi msemmija fil-punti (a) u (d) huma proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji sostnuti mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, inklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ‘captive’.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta' applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 77b, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-applikazzjoni ta' aġġustament ta' referenza msemmi fl-Artikolu 77b(1).

L-AEAPX għandha tippreżenta dawn l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2014.

Qed tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(25)

L-Artikolu 92 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Atti delegati u standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni”;

(b)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sabiex tiġi żgurata armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-fondi proprji, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-kriterji għall-għoti tal-approvazzjoni superviżorja ta' fondi proprji anċillari skont l-Artikolu 90.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a fej tispeċifika t-trattament tal-parteċipazzjonijiet, skont it-tifsira tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 212(2), f'istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu għal dak li jirrigwarda d-determinzzjoni ta' fondi proprji.”;

(c)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-Artikolu 90, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-għoti ta' approvazzjoni superviżorja għall-użu ta' fondi proprji anċillari.

L-AEAPX għandha tippreżenta dan l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2014.

Qed tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(26)

L-Artikolu 97 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 97

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a fejn tistabbilixxi lista ta' oġġetti ta' fondi proprji, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 96, ikkunsidrati li jissodisfaw il-kriterji, stabbiliti fl-Artikolu 94, li tinkludi għal kull oġġett ta' fondi proprji deskrizzjoni preċiża tal-karatteristiċi li ddeterminaw il-klassifikazzjoni tiegħu.

2.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-fondi proprji, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-metodi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet superviżorji, fl-approvazzjoni tal-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni ta' oġġetti ta' fondi proprji li mhumiex koperti mil-lista msemmija fil-paragrafu 1.

Qed tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Il-Kummissjoni għandha teżamina regolarment u, fejn ikun xieraq, taġġorna l-lista msemmija fil-paragrafu 1 fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq.”;

(27)

L-Artikolu 99 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 99

Atti delegati dwar l-eliġibilità tal-fondi proprji

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu:

(a)

il-limiti kwantitattivi msemmija fl-Artikolu 98(1) u (2);

(b)

l-aġġustamenti li għandhom isiru sabiex jirriflettu n-nuqqas ta' trasferibbiltà ta' dawk l-oġġetti ta' fondi proprji li jistgħu jintużaw biss sabiex ikopru telf li joriġina minn settur partikolari ta' obbligazzjonijiet jew minn riskji partikolari (fondi ring-fenced).”;

(28)

għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 109a

Kontributi tekniċi armonizzati għall-formola standard

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formula standard, l-ASE permezz tal-Kumitat Konġunt għandhom jiżviluppaw abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar l-allokazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-kreditu ta' istituzzjonijiet esterni tal-valutazzjoni tal-kreditu (ECAIs) sa skala oġġettiva tal-passi tal-kwalità tal-kreditu li tapplika l-passi speċifikati skont l-Artikolu 111(1)(n).

Il-Kumitat Konġunt tal-ESA għandu jissottometti dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Qed tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u għall-finijiet li jiffaċilitaw il-kalkolu tal-modulu tar-riskju tas-suq kif imsemmi fl-Artikolu 105(5), li jiffaċilitaw il-kalkolu tal-modulu ta' riskju tal-inadempjenza tal-kontroparti kif imsemmi fl-Artikolu 105(6), li jivvalutaw it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju msemmijin fl-Artikolu 101(5) u li jikkalkolaw il-provvedimenti tekniċi, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar:

(a)

listi ta' gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali, li l-iskoperturi għalihom għandhom ikunu trattati bħala skoperturi għall-gvern ċentrali tal-ġurisdizzjoni li fiha jkunu stabbiliti, sakemm ma jkun hemm l-ebda differenza fir-riskju bejn tali skoperturi minħabba li dawk tal-ewwel jkollhom setgħat speċifiċi li jżidu d-dħul, u jkunu jeżistu arranġamenti istituzzjonali speċifiċi li jkollhom l-effett li jnaqqsu r-riskju ta' inadempjenza;

(b)

l-indiċi ta' ekwità msemmi fl-Artikolu 106(2), skont il-kriterji dettaljati stabbiliti skont l-Artikolu 111(1)(c) u (o);

(c)

l-aġġustamenti li għandhom isiru għall-valuta marbuta mal-euro fis-submodolu tar-riskju tal-valuta msemmi fl-Artikolu 105(5), skont il-kriterji dettaljati għall-aġġustamenti għal valuti marbutin mal-euro għall-iskop tal-faċilitazzjoni tal-kalkolu tas-sottomodulu tar-riskju tal-valuta, kif stabbilit taħt l-Artikolu 111(1)(p).

L-AEAPX għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Għandha tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   L-AEAPX għandha tippubblika informazzjoni teknika li tinkludi infomazzjoni dwar l-aġġustament simetriku msemmi fl-Artikolu 106 għall-inqas fuq bażi trimestrali.

4.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu u għall-fini li jkun iffaċilitat il-kalkolu tas-saħħa tal-modulu tas-sottoskrizzjoni tar-riskju msemmi fl-Artikolu 105(4), l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-kalkoli pprovduti mill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri kkonċernati, dwar devjazzjonijiet standard fir-rigward ta' miżuri leġislattivi nazzjonali speċifiċi li jippermettu l-qsim ta' pagamenti ta' klejms fir-rigward tar-riskju tas-saħħa fost l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u li jissodisfaw il-kriterji fil-paragrafu 5 u kull kriterju addizzjonali stabbilit mill-att delegat.

L-AEAPX għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Qed tiġi kkonferita s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

5.   L-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandhom japplikaw biss għall-miżuri leġislattivi nazzjonali tal-Istati Membri li jippermettu l-qsim tal-pagamenti tal-klejms fir-rigward tar-riskju tas-saħħa fost l-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u li jissodisfaw dawn il-kriterji li ġejjin:

(a)

il-mekkaniżmu għall-qsim ta' pretensjonijiet ikun trasparenti u speċifikat bis-sħiħ qabel il-perjodu annwali li japplika għalih;

(b)

il-mekkaniżmu għall-qsim ta' pretensjonijiet, l-għadd ta' impriżi tal-assigurazzjoni li jieħdu sehem fis-sistema ta' ugwalizzazzjoni tar-riskju tas-saħħa (HRES) u l-karatteristiki tar-riskju tan-negozju suġġett għall-HRES jiżguraw li għal kull impriża li tieħu sehem fl-HRES il-volatilità tat-telf annwali tan-negozju suġġett għall-HRES titnaqqas b'mod sinifikanti permezz tal-HRES, kemm fir-rigward tal-primjum kif ukoll tar-riskju tar-riserva;

(c)

l-assigurazzjoni tas-saħħa suġġetta għall-HRES hija obbligatorja u sservi bħala alternattiva parzjali jew sħiħa għall-kopertura tas-saħħa mogħtija mis-sistema statutorja tas-sigurtà soċjali;

(d)

fil-każ ta' inadempjenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni li jieħdu sehem fl-HRES, gvern wieħed jew aktar tal-Istati Membri jiggarantixxu li jissodisfaw il-klejms tad-detentur tal-polza tan-negozju tal-assigurazzjoni li huwa suġġett għall-HRES.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu l-kriterji addizzjonali li l-arranġamenti tal-miżuri leġislattivi nazzjonali għandhom jissodisfaw, u l-metodoloġija u r-rekwiżiti għall-kalkolu tad-devjazzjonijiet standard imsemmjia fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.”;

(29)

L-Artikolu 111 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 111

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw l-Artikoli 103 sa 109

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jipprovdu dan li ġej:

(a)

formula standard konformi mal-Artikoli 101 u 103 sa 109;

(b)

kwalunkwe submodulu meħtieġ jew li jkopri b'iżjed preċiżjoni r-riskji li jaqgħu taħt il-moduli tar-riskji rispettivi msemmija fl-Artikolu 104 kif ukoll kwalunkwe aġġornament sussegwenti;

(c)

il-metodu, is-suppożizzjonijiet, u l-parametri standard li għandhom jiġu kkalibrati għall-livell ta' fiduċja msemmi fl-Artikolu 101(3) u li għandhom jintużaw, meta jiġi kkalkolat kull wieħed mill-moduli jew submoduli tar-riskju tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza Bażiku stipulat fl-Artikoli 104, 105 u 304, il-mekkaniżmu ta' aġġustament simetriku u l-perjodu xieraq ta' żmien, espress f'għadd ta' xhur, kif spjegat fl-Artikolu 106, u l-approċċ xieraq biex jiġi integrat il-metodu msemmi fl-Artikolu 304 fir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kif ikkalkulat skont il-formula standard;

(d)

il-parametri ta' korrelazzjoni, inklużi, jekk ikun meħtieġ, dawk stabbiliti fl-Anness IV, u l-proċeduri għall-aġġornament ta' dawk il-parametri;

(e)

fejn l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jużaw tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju, il-metodi u s-suppożizzjonijiet li għandhom jintużaw għall-valutazzjoni tal-bidliet fil-profil tar-riskju tal-impriża kkonċernata u sabiex jiġi aġġustat il-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(f)

il-kriterji kwalitattivi li t-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju msemmija fil-punt (e) għandhom jissodisfaw sabiex jiġi żgurat li r-riskju jkun effettivament ġie ttrasferit lil parti terza,

(fa)

il-metodi u l-parametri li għandhom jintużaw meta jiġi vvalutat ir-rekwiżit kapitali għal riskju ta' inadempjenza tal-kontraparti fil-każ ta' skoperturi għal kontrapartijiet ċentrali awtorizzati, liema parametri jiżguraw konsistenza mat-trattament ta' tali skoperturi fil-każ tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(1) u (26) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(g)

il-metodi u l-parametri li għandhom jintużaw fil-valutazzjoni tar-rekwiżit kapitali għar-riskju operazzjonali stipulat fl-Artikolu 107, inkluż il-perċentwali msemmi fl-Artikolu 107(3);

(h)

il-metodi u l-aġġustamenti li għandhom jintużaw biex jiġi rifless l-iskop imnaqqas għad-diversifikazzjoni tar-riskju tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni b'rabta mal-fondi li jkunu ‘ring-fenced’;

(i)

il-metodu li għandu jintuża fil-kalkolu tal-aġġustament għall-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tad-dispożizzjonijiet tekniċi jew taxxi differiti, kif stipulat fl-Artikolu 108;

(j)

is-subsett tal-parametri standard fil-moduli tar-riskju tas-sottoskrizzjoni tal-ħajja, mhux tal-ħajja u s-saħħa li jistgħu jinbidlu b'parametri speċifiċi tas-sottoskrizzjoni kif stabilit fl-Artikolu 104(7);

(k)

il-metodi standardizzati li għandhom jintużaw mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għall-kalkolu tal-parametri speċifiċi tas-sottoskrizzjoni msemmija fil-punt (j), u kwalunkwe kriterju li jirrigwarda l-kompletezza, il-preċiżjoni, u l-adattezza tad-data użata li għandu jintlaħaq qabel ma tingħata l-approvazzjoni superviżorja flimkien mal-proċedura li għandha tiġi segwita għal approvazzjoni bħal din;

(l)

il-kalkoli simplifikati previsti għal sottomoduli speċifiċi u moduli tar-riskju, kif ukoll il-kriterji li l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni captive, għandhom jissodisfaw sabiex ikunu intitolati li jużaw kull waħda minn dawk is-simplifikazzjonijiet, kif stabbilit fl-Artikolu 109;

(m)

l-approċċ li għandu jintuża fir-rigward tal-impriżi relatati fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 212 fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, b'mod parikolari l-kalkolu tas-sottomodulu tar-riskju ta' ekwità msemmi fl-Artikolu 105(5), b'kunsiderazzjoni tat-tnaqqis probabbli fil-volatilità tal-valur ta' dawk l-impriżi relatati li joriġinaw min-natura strateġika ta' dawk l-investimenti u l-influwenza eżerċitata mill-impriża parteċipanti fuq dawk l-impriżi relatati.

(n)

kif għandhom jintużaw il-valutazzjonijiet tal-kreditu estern mill-ECAIs fil-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont il-formola standard u l-allokazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-kreditu sa skala ta' passi ta' kwalità tal-kreditu msemmija fl-Artikolu 109a(1) li għandhom ikunu konsistenti mal-użu tal-valutazzjonijiet tal-kreditu esterni mill-ECAIs fil-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali għal istituzzjonijiet ta' kreditu kif definiti fl-Artikolu 4(1)(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u istituzzjonijiet finanzjarji kif definiti fl-Artikolu 4(1)(26) ta' dak ir-Regolament;

(o)

il-kriterji dettaljati għall-indiċi ta' ekwità msemmija fl-Artikolu 109a(2)(c);

(p)

il-kriterji dettaljati għall-aġġustamenti għall-valuti marbuta mal-euro bl-għan li jkun iffaċilitat il-kalkolu tas-sottomodulu tar-riskju tal-valuta msemmi fl-Artikolu 109a(2)(d);

(q)

il-kundizzjonijiet għall-kategorizzazzjoni tal-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali msemmija fl-Artikolu 109a(2)(a);

2.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta' applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-approvazzjoni superviżorja biex jintużaw parametri speċifiċi għall-impriżi kif imsemmi fil-punt (k) tal-paragrafu 1.

L-AEAPX għandha tippreżenta dan l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2014.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Sal-31 ta' Diċembru 2020, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-adegwatezza tal-metodi, is-suppożizzjonijiet, u l-parametri standard li għandhom jintużaw fil-kalkolu tal-formola standard tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza. Hi għandha, b'mod partikolari, tqis il-prestazzjoni ta' kull klassi tal-assi u strumenti finanzjarji, l-imġiba tal-investituri f'dawk l-assi u strumenti finanzjarji kif ukoll l-iżviluppi fl-istabbiliment ta' standard internazzjonali fis-servizzi finanzjarji. Ir-rieżami ta' ċerti klassijiet ta' assi jista' jiġi prijoratizzat. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jkun, fejn ikun xieraq, akkumpanjat minn proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva, jew ta' atti delegati jew ta' implimentazzjoni adottati skont din id-Direttiva.

4.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji biex jiġu speċifikati limiti kwantitattivi u kriterji tal-eliġibilità tal-assi fejn dawk ir-riskji mhumiex koperti adegwatament minn sottomodulu.

Għandha tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Dawk l-istandards tekniċi regolatorji għandhom japplikaw għal assi li jkopru provvedimenti tekniċi, minbarra l-assi miżmuma fir-rigward ta' kuntratti ta' assigurazzjoni tal-ħajja fejn ir-riskju ta' investiment jaqa' fuq id-detenturi tal-polza. Huma għandhom jiġu riveduti mill-Kummisjoni fid-dawl ta' żviluppi fil-formola standard u s-swieq finanzjarji.”;

(30)

L-Artikolu 114 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 114

Atti delegati u standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-mudelli interni tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu dan li ġej:

(a)

l-adattamenti li għandhom isiru fuq l-istandards stabbiliti fl-Artikoli 120 sa 125 fid-dawl tal-kamp limitat tal-applikazzjoni tal-mudell intern parzjali;

(b)

il-mod li bih mudell intern parzjali għandu jiġi integrat kompletament fil-formula standard tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza msemmija fl-Artikolu 113(1)(c) u r-rekwiżiti għall-użu ta' tekniki alternattivi ta' integrazzjoni.

2.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta' applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għal:

(a)

l-approvazzjoni ta' mudell intern skont l-Artikolu 112; u

(b)

l-approvazzjoni ta' bidliet sostanzjali għal mudell intern u bidliet fil-politika għat-tibdil ta' mudell intern imsemmi fl-Artikolu 115.

L-AEAPX għandha tippreżenta dan l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2014.

Qed tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(31)

L-Artikolu 127 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 127

Atti delegati dwar l-Artikoli 120 sa 126

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a fir-rigward tal-Artikoli 120 sa 126 biex ittejjeb il-valutazzjoni tal-profil tar-riskju u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, dwar l-użu ta' mudelli interni fl-Unjoni kollha.”;

(32)

L-Artikolu 129 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1(d), il-punti (i), (ii) u (iii) għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“(i)

EUR 2 500 000 għall-impriżi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, inklużi kumpaniji tal-assigurazzjoni captive, minbarra fil-każ fejn ir-riskji kollha inklużi f'waħda mill-klassijiet 10 sa 15 elenkati fil-Parti A tal-Anness I, jew xi wħud minnhom, ikunu koperti, li f'dan il-każ m'għandux ikun inqas minn EUR 3 700 000;

(ii)

EUR 3 700 000 għall-impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja, inklużi impriżi tal-assigurazzjoni captive;

(iii)

EUR 3 600 000 għall-impriżi tar-riassigurazzjoni, minbarra fil-każ ta' impriżi tar-riassigurazzjoni captive, li f'dan il-każ ir-Rekwiżit Kapitali Minimu m'għandux ikun inqas minn EUR 1 200 000;”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, għal perjodu li jiġi fi tmiemu mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2017, li jeżiġu li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tapplika l-perċentwali msemmija fl-ewwel subparagrafu esklussivament għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriża kkalkulat skont il-Kapitolu VI, Taqsima 4, Subtaqsima 2.”;

(c)

fil-paragrafu 4, wara l-ewwel subparagrafu għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet tal-kalkoli tal-limiti msemmija fil-paragrafu 3, l-impriżi m'għandhomx ikunu meħtieġa jikkalkulaw ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza kull tliet xhur.”;

(d)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2020, rapport dwar ir-regoli tal-Istati Membri u l-prattiki tal-awtoritajiet superviżorji adottati skont il-paragrafi 1 sa 4.”;

(33)

L-Artikolu 130 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 130

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a sabiex tispeċifika l-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali Minimu, imsemmi fl-Artikoli 128 u 129.”;

(34)

Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 131 id-dati “31 ta' Ottubru 2012” u “31 ta' Ottubru 2013” għandhom jiġu sostitwiti bid-dati “31 ta' Diċembru 2015” u “31 ta' Diċembru 2016” rispettivament.

(35)

L-Artikolu 135 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 135

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji dwar ir-rekwiżiti kwalitattivi

1.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw ir-rekwiżiti kwalitattivi fl-oqsma li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar ta' riskji li jinħolqu minn investimenti relatati mal-ewwel supbaragrafu tal-Artikolu 132(2);

(b)

l-identifikazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ u l-immaniġġjar tar-riskji speċifiċi li jirriżultaw minn investimenti fi strumenti derivati u assi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 132(4) u d-determinazzjoni tal-punt safejn l-użu ta' tali assi jikkwalifika bħala tnaqqis tar-riskju jew ġestjoni effiċjenti tal-portafoll kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 132(4).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jistabbilixxu:

(a)

ir-rekwiżiti li jeħtieġ li jiġu ssodisfati mill-impriżi li jirripakkjaw selfiet f'titoli li jistgħu jkunu negozjati jew strumenti finanzjarji (oriġinaturi jew sponsors) sabiex impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tkun tista' tinvesti f' tali titoli jew strumenti maħruġa wara l-1 ta' Jannar 2011, inklużi rekwiżiti li jiżguraw li l-oriġinatur, l-isponsor jew il-mutwanti oriġinali jżomm, fuq bażi kontinwa, imgħax ekonomiku nett materjali li, fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun inqas minn 5 %;

(b)

rekwiżiti kwalitattivi li jridu jiġu ssodisfati mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jinvestu f'dawn it-titoli jew strumenti.

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet għaċ-ċirkostanzi li fihom tista' tiġi ddebitata imposta kapitali addizzjonali proporzjonata meta r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti a) u b) ta' dan il-paragrafu jkunu inkisru, mingħajr ħsara għall-Artikolu 101(3).

3.   Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-paragrafu 2(c), l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-metodoloġiji għall-kalkolu tal-imposta kapitali addizzjonali proporzjonata msemmija f'dak il-paragrafu.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(36)

fl-Artikolu 138, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Fil-każ ta' sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħżiena li jaffettwaw l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tas-suq jew tal-linji tan-negozju affettwati, kif iddikjarat mill-AEAPX, u meta xieraq wara konsultazzjoni mal-BERS, l-awtorità superviżorja tista' testendi, għall-impriżi affettwati, il-perjodu stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 b'perjodu massimu ta'seba' snin b'kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha inkluż it-tul medju tad-dispożizzjonijiet tekniċi.

Mingħajr ħsara għas-setgħat tal-AEAPX skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, l-AEAPX għandha, wara talba mill-awtorità superviżorja konċernata, tiddikjara l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħżiena fis-swieq finanzjarji. L-awtorità superviżorja konċernata tista' tagħmel talba jekk l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tas-suq jew tal-linji tan-negozju affettwati ma jkunux jistgħu jissodisfaw wieeħd mir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3. Ikunu jeżistu sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħżiena meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jirrappreżentaw sehem sinifikanti tas-suq jew tal-linji tan-negozju affettwati jkunu affettwati serjament jew ħażin minn waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

waqgħa fis-swieq finanzjarji mhux prevista u drastika;

(b)

ambjent ta' rata tal-imgħax baxxa persistenti;

(c)

avveniment katastrofiku b'impatt qawwi.

L-AEAPX għandha, f'kooperazzjoni mal-awtorità superviżjorja konċernata, tivvaluta fuq bażi regolari jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu jkunux għadhom japplikaw. L-AEAPX għandha, f'kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja konċernata, tiddikjara meta sitwazzjoni ħażina ma tkunx għadha teżisti.

Kull tliet xhur, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni konċernata għandha tippreżenta rapport ta' progress lill-awtorità superviżorja tagħha li fih tispjega l-miżuri li jkunu ttieħdu u l-progress li jkun sar biex jerġa' jiġi stabbilit il-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopri r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex jitnaqqas il-profil tar-riskju biex tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

L-estensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi rtirata meta dak ir-rapport ta' progress juri li ma kien hemm l-ebda progress sinifikanti biex jintlaħaq l-istabbiliment mill-ġdid tal-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru l-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew it-tnaqqis tal-profil tar-riskju biex tiġi żgurata l-konformità mar-Kapital Rekwiżit għas-Solvibbiltà bejn id-data tal-osservazzjoni tan-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u d-data tal-preżentazzjoni tar-rapport ta' progress.”;

(37)

L-Artikolu 143 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 143

Atti delegati u standards tekniċi regolatorji dwar l-Artikolu 138(4)

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a billi tissupplimenta t-tipi ta' sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħżiena u tispeċifika l-fatturi u l-kriterji li għandhom ikunu kkunsidrati mill-AEAPX biex tkun iddikjarata l-eżistenza ta' sitwazzjonijiet eċċezzjonali ħżiena u mill-awtoritajiet superviżorji biex tkun determinata l-estensjoni tal-perjodu ta' rkupru skont l-Artikolu 138(4).

2.   Sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-Artikolu 138(2), l-Artikolu 139(2) u l-Artikolu 141, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-pjan ta' rkupru msemmi fl-Artikolu 138(2), u l-iskema finanzjarja msemmija fl-Artikolu 139(2) u fir-rigward tal-Artikolu 141, b'attenzjoni xierqa sabiex jiġu evitati l-effetti proċikliċi.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(38)

L-Artikolu 149 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 149

Tibdil fin-natura tar-riskji jew tal-impenji

Kwalunkwe bidla li impriża tal-assigurazzjoni jkollha l-intenzjoni li tagħmel fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 147 għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikoli 147 u 148.”;

(39)

L-Artikolu 155 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-ewwel subparagrafu:

“Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru tad-domiċilju jew dak ospitanti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.”;

(b)

il-paragrafu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“9.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-AEAPX bl-għadd u t-tipi ta' każijiet li jkunu rriżultaw f'rifjuti skont l-Artikoli 146 u 148 jew li għalihom ikunu ttieħdu miżuri skont il-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu.”;

(40)

fl-Artikolu 158(2), wara l-ewwel subparagrafu għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Barra minn hekk, l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru tad-domiċilju jew dak ospitanti tista' tirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (EU) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu.”;

(41)

L-Artikolu 159 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 159

Informazzjoni statistika dwar attivitajiet transkonfinali

Kull impriża tal-assigurazzjoni għandha tinforma lill-awtorità superviżorja kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha, separatament, fir-rigward ta' tranżazzjonijiet imwettqa skont id-dritt ta' stabbiliment u dawk imwettqa skont il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bl-ammont ta' primjums, klejms u kummissjonijiet, mingħajr tnaqqis ta' riassigurazzjoni, skont l-Istat Membru u kif ġej:

(a)

għal assigurazzjoni mhux tal-ħajja, skont il-linji tan-negozju skont l-att delegat rilevanti;

(b)

għal assigurazzjoni tal-ħajja, skont il-linji tan-negozju skont l-att delegat rilevanti.

Fir-rigward tal-klassi 10 fil-Parti A tal-Anness I, eskluża r-responsabbiltà tat-trasportatur, l-impriża konċernata għandha tinforma wkoll lill-awtorità superviżorja bil-frekwenza u l-medja tal-ispiża tal-klejms.

L-awtorità superviżorja tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tippreżenta l-informazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi fi żmien raġonevoli u f'forma aggregata lill-awtoritajiet superviżorji ta' kull Stat Membru konċernat fuq talba tagħhom.”;

(42)

L-Artikolu 172 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 172

Ekwivalenza fir-rigward tal-impriżi tar-riassigurazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a, li jispeċifikaw il-kriterji sabiex jiġi ivvalutat jekk ir-reġim tas-solvenza ta' pajjiż terz li japplika għal attivitajiet ta' riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dak il-pajjiż terz huwiex ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I.

2.   Jekk il-kriterji adottati skont il-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati minn pajjiż terz, il-Kummissjoni tista', b'konformità mal-Artikolu 301a, u megħjuna mill-AEAPX skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim tas-solvenza ta' dak il-pajjiż terz li japplika għall-attivitajiet tar-riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dak il-pajjiż terz, huwa ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I ta' din id-Direttiva.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu rieżaminati regolarment, biex iqisu kwalunkwe tibdil sinifikanti fir-reġim superviżorju stipulat fit-Titolu I, u fir-reġim superviżorju tal-pajjiż terz.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

3.   Meta skont il-paragrafu 2 ir-reġim ta' solvenza ta' pajjiż terz ikun ġie meqjus ekwivalenti għal dak stipulat f'din Direttiva, kuntratti tar-riassigurazzjoni konklużi ma' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dak il-pajjiż terz għandhom jiġu trattati bl-istess mod bħal kuntratti tar-riassigurazzjoni konklużi ma' impriżi awtorizzati skont din id-Direttiva.

4.   B'deroga mill-paragrafu 2, u anke jekk il-kriterji speċifikati skont il-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, il-Kummissjoni tista', għal perjodu limitat, b'konformità mal-Artikolu 301a, u megħjuna mill-AEAPX skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim ta' solvenza ta' pajjiż terz applikat għall-attivitajiet tar-riassigurazzjoni ta' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dak il-pajjiż terz huwa temporanjament ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I, jekk dak il-pajjiżi terz ikun tal-inqas ikkonforma mal-kriterji li ġejjin:

(a)

ikun ta impenn lill-Unjoni li jadotta u japplika reġim ta' solvenza li jkun jista' jiġi vvalutat bħala ekwivalenti f'konformità mal-paragrafu 2, qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu limitat u li jieħu sehem fil-proċess ta' valutazzjoni tal-ekwivalenza;

(b)

ikun stabbilixxa programm ta' ħidma biex jissodisfa l-impenn imsemmi fil-punt (a);

(c)

ikun alloka biżżejjed riżorsi biex jissodisfa l-impenn imsemmi fil-punt (a);

(d)

ikollu reġim ta' solvenza li huwa bbażat fuq ir-riskju u jistabbilixxi rekwiżiti ta' solvenza kwantitattivi u kwalitattivi u rekwiżiti relatati mar-rappurtar superviżorju u t-trasparenza;

(e)

ikun daħal f'arranġamenti bil-miktub biex jikkoopera u jiskambja informazzjoni superviżorja kunfidenzjali mal-AEAPX u mal-awtoritajiet superviżorji;

(f)

ikollu sistema ta' superviżjoni indipendenti; u

(g)

ikun stabbilixxa obbligi dwar is-segretezza professjonali għall-persuni kollha li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet superviżorji tiegħu, b'mod partikolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-AEAPX u l-awtoritajiet superviżorji.

Kwalunkwe atti delegati dwar ekwivalenza temporanja għandha tqis ir-rapporti mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 177(2). Dawk l-atti delegati għandhom jiġu rieżaminati regolarment, abbażi tar-rapporti ta' progress mill-pajjiż terz rilevanti, li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u jiġu vvalutati minnha kull sena. L-AEAPX għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' dawk ir-rapporti ta' progress.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 301a li jispeċifikaw ulterjorment il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

5.   Il-perjodu limitat imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 jew fid-data li fiha, f'konformità mal-paragrafu 2, ir-reġim superviżorju ta' dak il-pajjiż terz ikun ġie meqjus bħala ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, skont liema tiġi l-ewwel.

Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'sa sena meta dan ikun meħtieġ għall-AEAPX u l-Kummissjoni biex iwettqu l-valutazzjoni tal-ekwivalenza għall-finijiet tal-paragrafu 2.

6.   Il-kuntratti tar-riassigurazzjoni konklużi ma' impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz, li r-reġim superviżorju tiegħu jkun tqies bħala temporanjament ekwivalenti skont il-paragrafu 4, għandhom jingħataw l-istess trattament bħal dak stabbilit fil-paragrafu 3. L-Artikolu 173 għandu japplika wkoll għall-impriżi tar-riassigurazzjoni li jkollhomo l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'pajjiż terz, li r-reġim superviżorju tiegħu ikun tqies bħala temporanjament ekwivalenti skont il-paragrafu 4.”;

(43)

L-Artikolu 176 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 176

Informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-AEAPX

L-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, lill-AEAPX u lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe awtorizzazzjoni ta' sussidjarji diretti jew indiretti li waħda jew aktar mill-impriżi prinċipali tagħhom ikunu regolati bil-liġijiet ta' pajjiż terz.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll indikazzjoni tal-istruttura tal-grupp konċernat.

Meta impriża rregolata bil-liġi ta' pajjiż terz takkwista parteċipazzjoni f'impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzata fl-Unjoni b'mod illi dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ssir sussidjarja ta' dik l-impriża minn pajjiż terz, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom jinformaw lill-Kummissjoni, lill-AEAPX u lill-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri l-oħra.”;

(44)

fl-Artikolu 177, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-AEAPX dwar id-diffikultajiet ġenerali li jista' jkollhom l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tagħhom biex jistabbilixxu ruħhom u jaħdmu f'pajjiż terz jew biex iwettqu attivitajiet f'pajjiż terz.”;

(45)

fl-Artikolu 210, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-monitoraġġ, l-immaniġġjar u l-kontrol tar-riskji li jirriżultaw mill-attivitajiet tar-riassigurazzjoni finite.”

(46)

fl-Artikolu 211, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw il-kriterji li ġejjin għall-approvazzjoni superviżorja:

(a)

l-ambitu tal-awtorizzazzjoni;

(b)

il-kundizzjonijiet mandatorji li għandhom jiġu inklużi fil-kuntratti kollha li jinħarġu;

(c)

ir-rekwiżiti idonji u xierqa tajba kif imsemmi fl-Artikolu 42 tal-persuni li jkunu qegħdin imexxu l-istrument bi skop speċjali;

(d)

ir-rekwiżiti idonji u xierqa għall-azzjonisti jew membri li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikattiva fl-istrument bi skop speċjali;

(e)

proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi tajbin, mekkaniżmi ta' kontroll intern adegwati u rekwiżiti tal-immaniġġjar tar-riskji;

(f)

rekwiżiti kontabilistiċi, u dawk prudenzjali u tal-informazzjoni statistika;

(g)

rekwiżiti tas-solvenza.

2a.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-Artikolu 211(1) u (2), l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-għoti tal-approvazzjoni superviżorja biex jiġu stabbiliti strumenti bi skop speċjali u dwar il-formati u l-mudelli li għandhom jintużaw għall-finijiet tal-punt (f) tal-paragrafu 2.

L-AEAPX għandha tippreżenta dan l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2014.

Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2b.   Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-Artikolu 211(1) u (2), l-AEAPX tista' tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, fejn l-istrument bi skop speċjali li jassumi riskju minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkun stabbilit fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru li fih l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni hija awtorizzata.

Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   L-istrumenti bi skop speċjali awtorizzati qabel il-31 ta' Diċembru 2015 għandhom ikunu soġġetti għal-liġi tal-Istat Membru li jkun awtorizza l-istrument bi skop speċjali. Madankollu, kull attività ġdida mibdija bi strument bi skop speċjali bħal dan wara dik id-data għandha tkun soġġetta għall-paragrafi 1, 2 u 2a.”;

(47)

fl-Artikolu 212(1), il-punt (e) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(e)

'kulleġġ ta' superviżuri' tfisser struttura permanenti iżda flessibbli għall-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar is-superviżjoni ta' grupp;”;

(48)

L-Artikolu 216 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“F'dan il-każ, l-awtorità superviżorja għandha tispjega d-deċiżjoni tagħha kemm lis-superviżur tal-grupp kif ukoll lill-impriża prinċipali aħħarija fil-livell tal-Unjoni. Is-superviżur tal-grupp għandu javża lill-kulleġġ tas-superviżuri skont l-Artikolu 248(1)(a).

L-Artikoli 218 sa 258 għandhom japplikaw mutatis mutandis, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 6 ta' dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tielet subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-awtorità superviżorja għandha tispjega tali deċiżjonijiet kemm lill-impriża kif ukoll lis-superviżur tal-grupp. Is-superviżur tal-grupp għandu javża lill-kulleġġ tas-superviżuri skont l-Artikolu 248(1)(a).”;

(c)

il-paragrafu 7 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“7.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a u tispeċifika ċ-ċirkostanzi li fihom tkun tista' tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”

(49)

L-Artikolu 217 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“F'dan il-każ, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jispjegaw il-ftehim tagħhom kemm lis-superviżur tal-grupp kif ukoll lill-impriża prinċipali aħħarija fil-livell tal-Unjoni. Is-superviżur tal-grupp għandu javża lill-kulleġġ tas-superviżuri skont l-Artikolu 248(1)(a).”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom tkun tista' tittieħed id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.”;

(50)

L-Artikolu 227 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 227

Ekwivalenza dwar impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ta' pajjiżi terzi relatati

1.   Meta tiġi kkalkulata s-solvenza, f'konformità mal-Artikolu 233, tal-grupp ta' xi impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li hija impriża parteċipanti f'xi impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni f'pajjiż terz, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha, għall-finijiet ta' dak il-kalkolu biss, tiġi ttrattata bħala impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni relatata.

Madankollu, meta l-pajjiż terz li dik l-impriża jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha fih jeżiġi li tikseb awtorizzazzjoni u jimponilha reġim ta' solvenza li jkun tal-anqas ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kalkolu għandu jikkunsidra, fir-rigward ta' dik l-impriża, ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u l-fondi proprji eliġibbli sabiex jissodisfaw dak ir-rekwiżit kif stipulat mill-pajjiż terz konċernat.

2.   Meta ma jkun ġie adottat ebda att delegat skont il-paragrafu 4 jew 5 ta' dan l-Artikolu, il-verifika dwar jekk ir-reġim impost mill-pajjiż terz huwiex tal-anqas ekwivalenti għandha ssir mis-superviżur tal-grupp fuq talba tal-impriża parteċipanti jew fuq inizjattiva tagħha stess. L-AEAPX għandha tassisti lis-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Is-superviżur tal-grupp għandu, megħjun mill-AEAPX, jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed f'konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 3. Is-superviżur tal-grupp ma għandu jieħu ebda deċiżjoni fir-rigward ta' pajjiż terz li tikkontradixxi kwalunkwe deċiżjoni meħuda fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz preċedentement ħlief meta dan ikun neċessarju biex jitqiesu tibdiliet sinifikanti fir-reġim superviżorju stabbilit fit-Titolu I, Kapitolu VI u fir-reġim superviżorju fil-pajjiż terz.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux mad-deċiżjoni meħuda skont is-subparagrafu 2, dawn jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AEAPX u jitolbu l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien tliet xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni mis-superviżur tal-grupp. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a sabiex tispeċifika l-kriterji ħalli jiġi vvalutat jekk ir-reġim tas-solvenza ta' pajjiż terz huwiex ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, Kapitolu VI.

4.   Jekk il-kriterji adottati skont il-paragrafu 3 jkunu ġew issodisfati minn pajjiż terz, il-Kummissjoni tista', b'konformità mal-Artikolu 301a, u megħjuna mill-AEAPX skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim superviżorju ta' dak il-pajjiż terz huwa ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I, Kapitolu VI.

Dawk l-atti delegati għandhom jiġu rieżaminati regolarment biex iqisu kwalunkwe tibdil sinifikanti fir-reġim superviżorju stipulat fit-Titolu I, Kapitolu VI, u fir-reġim superviżorju fil-pajjiż terz.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

5.   B'deroga mill-paragrafu 4, u anke fejn il-kriterji speċifikati skont il-paragrafu 3 ma jkunux ġew issodisfati, il-Kummissjoni tista', għall-perjodu msemmi fil-paragrafu 6, b'konformità mal-Artikolu 301a, u megħjuna mill-AEAPX skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim tas-solvenza ta' pajjiż terz applikat għal impriżi li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom f'dak il-pajjiż terz huwa proviżorjament ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I, Kapitolu VI, fejn:

(a)

jista' jiġi ppruvat li reġim ta' solvenza li jista' jiġi vvalutat u ekwivalenti skont il-paragrafu 4 qiegħed fis-seħħ jew jista' jiġi adottat u applikat mill-pajjiż terz;

(b)

il-pajjiż terz ikollu reġim ta' solvenza li huwa bbażat fuq ir-riskju u jistabbilixxi rekwiżiti ta' solvenza kwantitattivi u kwalitattivi u rekwiżiti relatati mar-rappurtar superviżorju u t-trasparenza;

(c)

il-liġi tal-pajjiż terz, fil-prinċipju, tippermetti l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni superviżorja kunfidenzjali mal-AEAPX u l-awtoritajiet superviżorji;

(d)

il-pajjiż terz ikollu sistema ta' superviżjoni indipendenti; u

(e)

il-pajjiż terz ikun stabbilixxa obbligi dwar is-segretezza professjonali għall-persuni kollha li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet superviżorji tiegħu.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

6.   Il-perjodu inizjali tal-ekwivalenza proviżorja msemmija fil-paragrafu 5 għandu jkun ta' 10 snin, sakemm qabel ma jiskadi dak il-perjodu:

(a)

dik l-atti delegat ikun ġie revokat; jew

(b)

ikun ġie adottat att delegat skont il-paragrafu 4 bl-effett li r-reġim superviżorju ta' dak il-pajjiż terz tkun ġiet meqjusa ekwivalenti għal dak stabbilit fit-Titolu I, Kapitolu VI.

L-ekwivalenza proviżorja għandha tkun toġġetta għal tiġdid għal perjodi ulterjuri ta' 10 snin, meta l-kriterji msemmija fil-paragrafu 5 jibqgħu jiġu ssodisfati. Il-Kummissjoni għandha tadotta kwalunkwe att delegat bħal dan skont l-Artikolu 301a u megħjuna mill-AEAPX skont l-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Kwalunkwe atti delegati li jiddeterminaw ekwivalenza proviżorja għandha tqis ir-rapporti mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 177(2). Tali atti delegati għandhom jiġu rieżaminati regolarment mill-Kummissjoni L-AEAPX għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' dawk id-deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament dwar kwalunkwe rieżami li jkun għaddej u għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tagħha.

7.   Meta, skont il-paragrafu 5, ikun ġie adottat att delegat li jiddetermina li r-reġim superviżorju ta' pajjiż terz huwa ekwivalenti proviżorjament, dak il-pajjiż terz għandu jitqies ekwivalenti għall-finijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.”;

(51)

L-Artikolu 231 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 231

Mudell intern għall-grupp

1.   Fil-każ ta' applikazzjoni għall-permess biex ikun ikkalkulat ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat, kif ukoll ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-grupp, abbażi ta' mudell intern, imressqa minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u l-impriżi relatati tagħha, jew b'mod konġunt mill-impriżi relatati ta' kumpanija holding tal-assigurazzjoni, l-awtoritajiet ta' sorveljanza konċernati għandhom jikkooperaw biex jiddeċiedu jekk jagħtux il-permess jew le u biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet, jekk ikun il-każ, li għalihom huwa suġġett l-għoti ta' dan il-permess.

Applikazzjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi ppreżentata lis-superviżur tal-grupp.

Is-superviżur tal-grupp għandu jinforma lill-membri l-oħra tal-kulleġġ tas-superviżuri u jgħaddilhom l-applikazzjoni sħiħa, mingħajr dewmien.

2.   L-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jilħqu deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' meta s-superviżur tal-grupp ikun irċieva l-applikazzjoni sħiħa.

3.   Jekk, fi żmien il-perjodu msemmi fil-paragrafu 2, kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji konċernati tkun irriferiet il-kwistjoni lill-AEAPX skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu u jistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-AEAPX tista' tieħu skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

L-AEAPX għandha tieħu d-deċiżjoni fi żmien xahar. Il-kwistjoni ma għandhiex tiġi riferuta lill-AEAPX wara t-tmiem tal-perjodu ta' sitt xhur jew wara li tkun ittieħdet deċiżjoni konġunta.

Jekk, skont l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 44(1)(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, id-deċiżjoni proposta mill-bord tiġi miċħuda, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati. Il-perjodu ta' sitt xhur għandu jitqies bħala l-perjodu tal-konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament.

4.   L-AEAPX tista' tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-proċess tad-deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-permessi msemmija fil-paragrafu 1, bil-ħsieb li jkunu ffaċilitati deċiżjonijiet konġunti.

Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

5.   Meta l-awtoritajiet superviżorji konċernati jkunu ħadu d-deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 2, is-superviżur tal-grupp għandu jipprovdi lill-applikant b'dokument li jagħti l-motivazzjonijiet sħaħ.

6.   Fl-assenza tal-adozzjoni ta' deċiżjoni konġunta fi żmien sitt xhur mid-data meta l-grupp jirċievi l-applikazzjoni kompleta, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni.

Is-superviżur tal-grupp għandu jqis kif xieraq kwalunkwe fehmiet u riżervi tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati espressi waqt dak il-perjodu ta' sitt xhur.

Is-superviżur tal-grupp għandu jagħti lill-applikant u lill-awtoritajiet superviżorji konċernati l-oħra dokument li jispjega d-deċiżjoni motivata bis-sħiħ tiegħu.

Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

7.   Meta kwalunkwe awtorità superviżorja konċernata jidhrilha li l-profil tar-riskju ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni taħt is-superviżjoni tagħha jiddevja b'mod sostanzjali mis-suppożizzjonijiet bażiċi tal-mudell intern approvat fuq livell ta' grupp, u sakemm dik l-impriża ma tkunx indirizzat it-tħassib tal-awtorità superviżorja kif suppost, dik l-awtorità tista', skont l-Artikolu 37, timponi supplimentazzjoni kapitali għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tat-tali mudell intern.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, meta tali supplimentazzjoni kapitali ma tkunx xierqa, l-awtorità superviżorja tista' titlob lill-impriża konċernata biex tikkalkula r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fuq il-bażi tal-formula standard imsemmija fit-Titolu 1, Kapitolu VI, Taqsima 4, Subtaqsimiet 1 u 2. B'konformità mal-Artikolu 37(1)(a) u (b), l-awtorità superviżorja tista' timponi supplimentazzjoni kapitali għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza ta' dik l-impriża tal-assigurazzjoni jew riassigurazzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-formula standard.

L-awtorità superviżorja għandha tispjega kwalunkwe deċiżjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi kemm lill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif ukoll lill-membri l-oħra tal-kulleġġ tas-superviżuri.

L-AEAPX tista' toħroġ linji gwida biex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti u koerenti ta' dan il-paragrafu.”;

(52)

fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 232, il-parti introduttorja għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp konsolidat jirriflettix b'mod xieraq il-profil tar-riskju tal-grupp, is-superviżur tal-grupp għandu jagħti attenzjoni partikolari għal kull każ meta ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 37(1)(a) sa (d) jistgħu jseħħu fil-livell tal-grupp, b'mod partikolari meta:”;

(53)

fl-Artikolu 232, it-tielet paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Artikolu 37(1) sa (5), flimkien mal-atti delegati u l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni li jittieħdu b'konformità mal-Artikolu 37(6), (7) u (8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(54)

fl-Artikolu 233(6), it-tielet subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Artikolu 37(1) sa (5), flimkien mal-atti delegati u l-istandards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni li jittieħdu b'konformità mal-Artikolu 37(6), (7) u (8) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”;

(55)

L-Artikolu 234 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 234

Atti delegati dwar l-Artikoli 220 sa 229 u 230 sa 233

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw il-prinċipji u l-metodi tekniċi stipulati fl-Artikoli 220 sa 229 u l-applikazzjoni tal-Artikoli 230 sa 233, u li jirriflettu n-natura ekonomika ta' strutturi legali speċifiċi.”;

(56)

L-Artikolu 237 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 237

Sussidjarji ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni: deċiżjoni dwar l-applikazzjoni

1.   Fil-każ ta' applikazzjonijiet għal permess biex tkun soġġett għar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 238 u 239, l-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jaħdmu flimkien fi ħdan il-kulleġġ tas-superviżuri, f'kooperazzjoni sħiħa ma' xulxin, biex jiddeċiedu jekk jagħtux il-permess mitlub jew le u biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet l-oħra, jekk dan ikun il-każ, li għalihom dan il-permess għandu jkun soġġett.

Applikazzjoni kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi sottomessa biss lill-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat lill-impriża sussidjarja. Dik l-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-membri l-oħra tal-kulleġġ tas-superviżuri u tgħaddilhom l-applikazzjoni sħiħa, mingħajr dewmien.

2.   L-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jilħqu deċiżjoni konġunta dwar l-applikazzjoni fi żmien tliet xhur mid-data ta' meta l-awtoritajiet superviżorji kollha fi ħdan il-kulleġġ tas-superviżuri jkunu rċevew l-applikazzjoni sħiħa.

3.   Jekk, fi żmien il-perjodu ta' tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 2, kwalunkwe awtorità superviżorja konċernata tkun irreferiet il-kwistjoni lill-AEAPX skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, is-superviżur tal-grupp għandu jiddiferixxi d-deċiżjoni tiegħu u jistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-AEAPX tista' tieħu skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu b'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

L-AEAPX għandha tieħu d-deċiżjoni fi żmien xahar. Il-kwistjoni m'għandhiex tiġi riferuta lill-AEAPX wara t-tmiem tal-perjodu ta' tliet xhur jew wara li tkun ittieħdet deċiżjoni konġunta.

Jekk, skont l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 44(1)(3) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, id-deċiżjoni proposta mill-bord tiġi miċħuda, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu deċiżjoni finali. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati. Il-perjodu ta' tliet xhur għandu jitqies bħala l-perjodu tal-konċiljazzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament.

4.   L-AEAPX tista' tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni tal-proċess tad-deċiżjoni konġunta msemmi fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-permessi msemmija fil-paragrafu 1, bil-ħsieb li jkunu ffaċilitati d-deċiżjonijiet konġunti.

Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

5.   Meta l-awtoritajiet superviżorji konċernati jkunu waslu għad-deċiżjoni konġunta msemmija fil-paragrafu 2, l-awtorità superviżorja, wara li tawtorizza lill-impriża sussidjarja għandha tipprovdi lill-applikant bid-deċiżjoni filwaqt li tagħti l-motivazzjonijiet kollha. Id-deċiżjoni konġunta għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

6.   Fl-assenza ta' deċiżjoni konġunta min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji konċernati fil-perjodu ta' tliet xhur stipulat fil-paragrafu 2, is-superviżur tal-grupp għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu stess dwar l-applikazzjoni.

Matul dak il-perjodu is-superviżur tal-grupp għandu jikkunsidra tajjeb dan li ġej:

(a)

kwalunkwe fehma u riżerva tal-awtoritajiet superviżorji konċernati;

(b)

kwalunkwe riżerva tal-awtoritajiet l-oħra superviżorji fil-kulleġġ tas-superviżuri.

Id-deċiżjoni għandha tagħti l-motivazzjonijiet kollha u għandha tinkludi spjegazzjoni ta' xi devjazzjoni sinifikanti mir-riżervi tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati. Is-superviżur tal-grupp għandu jipprovdi lill-applikant u lill-awtoritajiet l-oħra superviżorji konċernati b'kopja tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.”;

(57)

fl-Artikolu 238, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-kulleġġ tas-superviżuri għandu jagħmel kulma jista' biex jilħaq ftehim dwar il-proposta tal-awtorità superviżorja li tkun awtorizzat l-impriża sussidjarja jew dwar miżuri oħra possibbli.

Dak il-ftehim għandu jiġi rikonoxxut bħala determinanti u għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.”;

(58)

fl-Artikolu 238, il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Meta l-awtorità superviżorja u s-superviżur tal-grupp ma jaqblux, kwalunkwe wieħed mis-superviżuri jista', fi żmien xahar mill-proposta tal-awtorità superviżorja, jirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u jitlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu u għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn dan ir-riferiment. Il-perjodu ta' xahar għandu jitqies bħala l-perjodu tal-konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament. Il-kwistjoni m'għandhiex tiġi riferuta lill-AEAPX wara t-tmiem tal-perjodu ta' xahar imsemmi f'dan is-subparagrafu jew wara li jkun intlaħaq ftehim fil-kulleġġ skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu.

L-awtorità superviżorja, wara li tkun awtorizzat lil dik is-sussidjarja, għandha tiddeferixxi d-deċiżjoni tagħha u tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-AEAPX tista' tieħu skont l-Artikolu 19 ta' dak ir-Regolament, u għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha b'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX.

Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

Id-deċiżjoni għandha tagħti l-motivazzjonijiet sħaħ li fuqhom tkun ġiet ibbażata.

Id-deċiżjoni għandha tiġi sottomessa lis-sussidjarja u lill-kulleġġ tas-superviżuri.”;

(59)

fl-Artikolu 239, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-awtorità superviżorja jew s-superviżur tal-grupp jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AEAPX u jitolbu l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fejn huma ma jaqblux fuq kwalukwe minn dawn li ġejjin:

(a)

dwar l-approvazzjoni tal-pjan ta' rkupru, inkluża kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta' rkupru, fi żmien il-perjodu ta' erba' xhur imsemmi fil-paragrafu 1; jew

(b)

dwar l-approvazzjoni tal-miżuri proposti, fi żmien il-perjodu ta' xahar imsemmi fil-paragrafu 2.

F'dawk il-każijiet, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu u għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar minn dan ir-riferiment.

Il-kwistjoni m'għandhiex tiġi riferuta lill-AEAPX:

(a)

wara t-tmiem tal-perjodu ta' erba' xhur jew ta' xahar rispettivament imsemmi fl-ewwel subparagrafu;

(b)

wara li jkun intlaħaq ftehim fi ħdan il-kulleġġ, skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jew it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2;

(c)

fil-każ ta' sitwazzjonijiet ta' emerġenza kif imsemmija fil-paragrafu 2.

Il-perjodu ta' erba' xhur jew ta' xahar rispettivament għandu jitqies bħala l-perjodu tal-konċiljazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament.

L-awtorità superviżorja, wara li tkun awtorizzat lil dik is-sussidjarja, għandha tiddeferixxi d-deċiżjoni tagħha u tistenna kwalunkwe deċiżjoni li l-AEAPX tista' tieħu skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha b'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati.

Id-deċiżjoni għandha tagħti l-motivazzjonijiet sħaħ li fuqhom tkun ġiet ibbażata.

Id-deċiżjoni għandha tiġi sottomessa lis-sussidjarja u lill-kulleġġ tas-superviżuri.”;

(60)

L-Artikolu 241 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 241

Sussidjarji ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni: atti delegati

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a, li jispeċifikaw:

(a)

il-kriterji biex jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 236 ikunux intlaħqu jew le;

(b)

il-kriterji biex jiġi vvalutat x'għandu jiġi kkunsidrat bħala sitwazzjoni ta' emerġenza skont l-Artikolu 239(2);

(c)

il-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet superviżorji waqt skambju ta' informazzjoni, meta jkunu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom skont l-Artikoli 237 sa 240.”;

(61)

fl-Artikolu 242, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tagħmel valutazzjoni tal-applikazzjoni tat-Titolu III, b'mod partikolari fir-rigward tal-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji fi ħdan il-kulleġġ tas-superviżuri, u l-funzjonalità tiegħu, u l-prattika superviżorja fir-rigward tal-istabbiliment tas-supplimentazzjonijiet kapitali, u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' proposti għall-emendar ta' din id-Direttiva, fejn ikun xieraq.”;

(62)

Fl-Artikolu 242(2), id-data “31 ta' Ottubru 2015” għandha tiġi sostitwita bid-data “31 ta' Diċembru 2018”;

(63)

fl-Artikolu 244, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta' konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tas-superviżjoni ta' konċentrazzjoni tar-riskju, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-identifikazzjoni ta' konċentrazzjoni tar-riskju sinifikanti u d-determinazzjoni tal-livelli limitu xierqa għall-finijiet tal-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

6.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi dwar il-formuli u l-mudelli għar-rappurtar dwar konċentrazzjonijiet tar-riskju bħal dawn, għall-finijiet tal-paragrafu 2.

L-AEAPX għandha tippreżenta dak l-abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2015.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(64)

fl-Artikolu 245, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta' tranżazzjoni intragrupp sinifikanti għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tas-superviżjoni ta' tranżazzjonijiet intragrupp, l-AEAPX tista'tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-identifikazzjoni ta' tranżazzjoni intragrupp sinifikanti għall-finijiet tal-paragrafu 3.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

6.   Sabiex tiżgura l-kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-AEAPX tista' tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri, l-formuli u l-mudelli għar-rappurtar dwar tranżazzjonijiet intragrupp bħal dawn għall-finijiet tal-paragrafu 2.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(65)

fl-Artikolu 247, il-paragrafi 3 sa 7 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“3.   F'każijiet partikolari, l-awtoritajiet superviżorji konċernati jistgħu, wara talba minn kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn, jieħdu deċiżjoni konġunta biex jidderogaw mill-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 meta l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx xierqa, b'kunsiderazzjoni tal-istruttura tal-grupp u tal-importanza relattiva tal-attivitajiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f'pajjiżi differenti, u jaħtru awtorità superviżorja differenti bħala superviżur tal-grupp.

Għal dak il-għan, kwalunkwe awtorità superviżorja konċernata tista' titlob li tinfetaħ diskussjoni dwar jekk il-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 humiex xierqa. Din id-diskussjoni m'għandhiex isseħħ aktar spiss minn darba fis-sena.

L-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex tintlaħaq deċiżjoni konġunta fir-rigward tal-għażla tas-superviżur tal-grupp fi żmien tliet xhur mit-talba għal diskussjoni. Qabel jieħdu d-deċiżjoni tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jagħtu l-opportunità lill-grupp sabiex jagħti l-fehma tiegħu.

Is-superviżur tal-grupp maħtur għandu jippreżenta d-deċiżjoni konġunta lill-grupp filwaqt li jagħti l-motivazzjonijiet sħaħ.

4.   Jekk, fi żmien il-perjodu ta' tliet xhur imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3, kwalunkwe awtorità superviżorja konċernata tkun irreferiet il-kwistjoni lill-AEAPX skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-awtoritajiet superviżorji konċernati għandhom jiddiferixxu d-deċiżjoni konġunta tagħhom u jistennew kwalunkwe deċiżjoni li l-AEAPX tista' tieħu skont l-Artikolu 19(3) ta' dak ir-Regolament, u għandhom jieħdu d-deċiżjoni konġunta tagħhom b'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX. Dik id-deċiżjoni konġunta għandha tiġi rikonoxxuta bħala determinanti u għandha tiġi applikata mill-awtoritajiet superviżorji konċernati. Il-perjodu ta' tliet xhur għandu jitqies bħala l-perjodu tal-konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19(2) ta' dak ir-Regolament.

5.   L-AEAPX għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien xahar mir-riferiment skont il-paragrafu 4. Il-kwistjoni m'għandhiex tiġi riferuta lill-AEAPX wara t-tmiem tal-perjodu ta' tliet xhur jew wara li tkun ittieħdet deċiżjoni konġunta. Is-superviżur tal-grupp maħtur għandu jippreżenta d-deċiżjoni konġunta lill-grupp u lill-kulleġġ tas-superviżuri filwaqt li jagħti l-motivazzjonijiet sħaħ.

6.   Fl-assenza ta' deċiżjoni konġunta, l-inkarigu ta' superviżur tal-grupp għandu jitwettaq mill-awtorità superviżorja identifikata skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

7.   L-AEAPX għandu jgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, mill-inqas darba fis-sena, dwar kwalunkwe diffikultà ewlenija fir-rigward tal-applikazzjoni tal-paragrafi 2, 3 u 6.

Fl-eventwalità li tinħoloq kwalunkwe diffikultà kbira fl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw ulterjorment dawk il-kriterji.”;

(66)

L-Artikolu 248 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Meta superviżur ta' grupp jonqos milli jwettaq l-inkarigi msemmija fil-paragrafu 1 jew meta l-membri tal-kulleġġ tas-superviżuri ma jikkooperawx sa fejn rikjest f'dan il-paragrafu, kwalunkwe awtorità superviżorja konċernata tista' tirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u titlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Is-sħubija tal-kulleġġ tas-superviżuri għandha tinkludi lis-superviżur tal-grupp, l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri kollha li fih jinsabu l-uffiċċji prinċipali tal-impriżi sussidjarji kollha, kif ukoll l-AEAPX, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Fl-eventwalità ta' fehmiet diverġenti li jikkonċernaw l-arranġamenti tal-koordinazzjoni, kwalunkwe membru tal-kulleġġ tas-superviżuri jista' jirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u jitlob l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha minn dak l-Artikolu. Is-superviżur tal-grupp għandu jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu f'konformità mad-deċiżjoni tal-AEAPX. Is-superviżur tal-grupp għandu jittrażmetti d-deċiżjoni lill-awtoritajiet l-oħra superviżorji konċernati.”

(d)

fil-paragrafu 5, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Mingħajr ħsara għad-drittijiet u d-doveri allokati minn din id-Direttiva lis-superviżur tal-grupp u lill-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn, l-arranġamenti ta' koordinazzjoni jistgħu jagħtu kompiti addizzjonali lis-superviżur tal-grupp, lill-awtoritajiet superviżorji l-oħraj jew lill-AEAPX meta dan jirriżulta f'superviżjoni aktar effiċjenti tal-grupp u ma jfixkilx l-attivitajiet superviżorji tal-membri tal-kulleġġ tas-superviżuri fir-rigward tar-responsabilitajiet individwali tagħhom.”;

(e)

il-paragrafi 6 u 7 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“6.   L-AEAPX għandha tfassal linji gwida għall-funzjonament operattiv tal-kulleġġi tas-superviżuri fuq il-bażi ta' rieżamijiet komprensivi tal-ħidma tagħhom biex tevalwa l-livell ta' konverġenza bejniethom. Tali rieżamijiet għandhom isiru mill-inqas darba kull tliet snin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżur tal-grupp jgħaddi lill-AEAPX l-informazzjoni dwar il-funzjonament tal-kulleġġi tas-superviżuri kif ukoll dwar kwalunkwe diffikultà li jkun iltaqa' magħha u li tkun rilevanti għal dawk ir-rieżamijiet.

Sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, l-AEAPX tista' tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-funzjonament operattiv tal-kulleġġi tas-superviżuri abbażi tal-linji gwida msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

7.   Sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-koordinazzjoni tas-superviżjoni tal-gruppi għall-finijiet tal-paragrafi 1 sa 6.

Il-Kummissjoni qed tiġi ddelegata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

8.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 301a fir-rigward tad-definizzjoni ta' ‘fergħa sinifikanti’”.

(67)

L-Artikolu 249 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet superviżorji, inkluż is-superviżur tal-grupp, ikollhom l-istess ammont ta' informazzjoni rilevanti disponibbli għalihom, bla ħsara għar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, u irrispettivament minn jekk humiex stabbiliti fl-istess Stat Membru, huma għandhom jipprovdu lil xulxin informazzjoni bħal din sabiex tkun tista' tippermetti u tiffaċilita t-twettiq tal-kompiti superviżorji tal-awtoritajiet l-oħra skont din id-Direttiva. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet superviżorji konċernati u s-superviżur tal-grupp għandhom jikkomunikaw ma' xulxin mingħajr dewmien l-informazzjoni rilevanti kollha malli din tkun disponibbli, jew jagħmlu skambju ta' informazzjoni meta jintalbu. L-informazzjoni msemmija f'dan is-subparagrafu tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, informazzjoni dwar azzjonijiet tal-grupp u tal-awtoritajiet superviżuri, u informazzjoni pprovduta mill-grupp.”;

(b)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Meta awtorità superviżorja ma tkunx ikkomunikat informazzjoni rilevanti jew talba għall-kooperazzjoni, partikolarment għall-iskambju ta' informazzjoni rilevanti, tkun ġiet rifjutata jew ma tkunx ittieħdet azzjoni dwarha fi żmien ġimagħtejn, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AEAPX.

Meta l-kwistjoni tkun riferuta lilha, l-AEAPX tista', bla preġudizzju għall-Artikolu 258 TFUE, taġixxi skont is-setgħat konferiti lilha permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(c)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, l-AEAPX għandha, bla ħsara għall-Artikolu 301b, tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-entrati li għandhom jinġabru, fuq bażi sistematika, mis-superviżur tal-grupp u jitqassmu lill-awtorijtajiet l-oħra superviżorji konċernati jew li għandhom jiġu trażmessi lis-superviżur tal-grupp min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati;

(b)

l-entrati essenzjali jew rilevanti għas-superviżjoni f'livell ta' grupp bl-għan li tittejjeb il-konverġenza tar-rappurtar superviżorju.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

4.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-mudelli għall-preżentazzjoni ta' informazzjoni lis-superviżur tal-grupp kif ukoll il-proċedura għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji kif stabbilit f'dan l-Artikolu.

L-AEAPX għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Settembru 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(68)

L-Artikolu 250 għandu jiġi emendat kif ġej:

“Artikolu 250

Konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 248, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom, meta deċiżjoni tkun ta' importanza għall-kompiti superviżorji ta' awtoritajiet superviżorji oħrajn, qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni, jikkonsultaw ma' xulxin fil-kulleġġ tas-superviżuri fir-rigward ta' dawn li ġejjin:

(a)

it-tibdil fl-istruttura tal-azzjonisti, l-istruttura organizzattiva jew ta' ġestjoni tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi grupp, li jeħtieġu l-approvazzjoni jew l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji;

(b)

id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-perjodu ta' rkupru skont l-Artikolu 138(3) u (4);

(c)

sanzjonijiet prinċipali jew miżuri eċċezzjonali meħuda mill-awtoritajiet superviżorji, li jinkludu l-impożizzjoni ta' supplimentazzjoni kapitali għar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont l-Artikolu 37 u l-impożizzjoni ta' kwalunkwe limitu fuq l-użu ta' mudell intern għall-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza skont it-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, is-Subtaqsima 3.

Għall-finijiet tal-punti (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, is-superviżur tal-grupp għandu jkun ikkonsultat dejjem.

Barra minn dan, meta deċiżjoni hija bbażata fuq l-informazzjoni li waslet mingħand awtoritajiet superviżorji oħrajn, l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jikkonsultaw ma' xulxin qabel ma tittieħed dik id-deċiżjoni.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 248, awtorità superviżorja tista' tiddeċiedi li ma tikkonsultax awtoritajiet superviżorji oħrajn f'każijiet ta' urġenza jew fejn tali konsultazzjoni tkun tista' tipperikola l-effettività tad-deċiżjoni. F'dak il-każ, l-awtorità superviżorja għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra kkonċernati.”;

(69)

fl-Artikolu 254(2), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet tagħhom responsabbli biex jeżerċitaw is-superviżjoni tal-grupp ikollhom aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-fini ta' dik is-superviżjoni irrispettivament min-natura tal-impriża kkonċernata. L-Artikolu 35(1) sa (5) għandu japplika mutatis mutandis.

Is-superviżur tal-grupp jista' jillimita r-rapportar superviżorju regolari bi frekwenza iqsar minn sena fil-livell tal-grupp meta l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp jibbenefikaw mil-limitazzjoni skont l-Artikolu 35(6) filwaqt li jitqiesu n-natura, il-kobor u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-grupp.

Is-superviżur tal-grupp jista' jeżenta mir-rapportar abbażi ta' entrata entrata fil-livell tal-grupp meta l-impriżi kollha tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni fil-grupp jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 35(7), filwaqt li jitqiesu n-natura, il-kobor u l-kumplessità tar-riskji inerenti fin-negozju tal-grupp u l-objettiv tal-istabbiltà finanzjarja.”;

(70)

fl-Artikolu 255(2), għandhom jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Meta t-talba lil awtorità superviżorja oħra biex tagħmel verifika skont dan il-paragrafu ma titteħidx azzjoni dwarha fi żmien ġimagħtejn, jew meta l-awtorità superviżorja ma tkunx tista' fil-prattika, teżerċita d-dritt tagħha li tipparteċipa f'konformità mat-tielet subparagrafu, l-awtorità li tagħmel it-talba tista' tirreferi l-kwistjoni lill-AEAPX u tista' titlob l-assistenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, l-AEAPX għandha tkun intitolata tipparteċipa fi spezzjonijiet fuq il-post fejn dawn jitwettqu b'mod konġunt minn żewġ awtoritajiet superviżorji jew aktar.”;

(71)

L-Artikolu 256 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar l-informazzjoni li għandha tiġi divulgata u l-iskadenzi għad-divulgazzjoni annwali tal-informazzjoni fir-rigward tar-rapport singolu dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja f'konformità mal-paragrafu 2 u r-rapport dwar is-solvenza u r-rapport dwar is-sitwazzjoni finanzjarja fil-livell tal-grupp f'konformità mal-paragrafu 1.”;

(b

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi ta' applikazzjoni fir-rigward tar-rapport singolu dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-grupp, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-mudelli u l-mezzi għall-iżvelar tar-rapport dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja singola u tal-grupp kif stabbilit f'dan l-Artikolu.

L-AEAPX għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.”;

(72)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 256a

Struttura tal-grupp

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, lill-kumpaniji b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni u lill-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta biex jiddivulgaw pubblikament, fil-livell tal-grupp, fuq bażi annwali, l-istruttura legali u l-istruttura governattiva u organizzattiva, inkluża deskrizzjoni tas-sussidjarji kollha, tal-impriżi relatati materjalment u tal-fergħat li jappartjenu għall-grupp.”;

(73)

fl-Artikolu 258, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a għall-koordinazzjoni tal-miżuri tal-infurzar imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.”;

(74)

L-Artikolu 259 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 259

Rapportar tal-AEAPX

1.   L-AEAPX għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew kull sena skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.   L-AEAPX għandha tirrapporta, inter alia, dwar l-esperjenzi kollha rilevanti u sinifikanti tal-attivitajiet superviżorji u kooperazzjoni bejn is-superviżuri fil-qafas tat-Titolu III, u, b'mod partikolari:

(a)

il-proċess tan-nominazzjoni tas-superviżur tal-grupp, l-għadd ta' superviżuri tal-grupp u l-firxa ġeografika tagħhom;

(b)

il-ħidma tal-kulleġġ tas-superviżuri, b'mod partikolari l-involviment u l-impenn tal-awtoritajiet superviżorji fejn ma jkunux is-superviżuri tal-grupp.

3.   L-AEAPX tista', għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, tirrapporta wkoll dwar it-tagħlimiet ewlenin li jkunu ttieħdu mill-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 248(6), fejn ikun xieraq.”;

(75)

L-Artikolu 260 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 260

L-impriżi prinċipali 'l barra mill-Komunità: il-verifika tal-ekwivalenza

1.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 213(2)(c), l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jivverifikaw jekk l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, li l-uffiċċju prinċipali tal-impriża prinċipali tagħhom ikun jinsab barra l-Unjoni, humiex soġġetti għal superviżjoni minn awtorità superviżorja ta' pajjiż terz, li tkun ekwivalenti għal dik prevista f'dan it-Titolu dwar is-superviżjoni fil-livell tal-grupp tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 213(2)(a) u (b).

Meta ma jkun ġie adottat ebda att delegat f'konformità mal-paragrafu 2, 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu, il-verifika għandha ssir mill-awtorità superviżorja, li tkun is-superviżur tal-grupp kieku l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 247(2) kellhom japplikaw (‘l-aġent superviżur tal-grupp’), fuq talba tal-impriża prinċipali jew ta' kwalunkwe waħda mill-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzati fl-Unjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. L-AEAPX għandha tassisti lill-aġent superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

B'dan il-mod, l-aġent superviżur tal-grupp għandu, megħjun mill-AEAPX, jikkonsulta lill-awtoritajiet superviżorji l-oħra konċernati, qabel ma jieħu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza. Dik id-deċiżjoni għandha tittieħed f'konformità mal-kriterji adottati skont il-paragrafu 2. L-aġent superviżur tal-grupp m'għandu jieħu ebda deċiżjoni fir-rigward ta' pajjiż terz li tikkontradixxi xi deċiżjoni preċedenti meħuda vis-à-vis dak il-pajjiż terz ħlief meta dan ikun neċessarju biex jitqiesu tibdiliet sinifikanti fir-reġim superviżorju stabbilit fit-Titolu I u fir-reġim superviżorju fil-pajjiż terz.

Meta l-awtoritajiet superviżorji ma jaqblux mad-deċiżjoni meħuda f'konformità mat-tielet subparagrafu, dawn jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-AEAPX u jitolbu l-assistenza tagħha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 fi żmien tliet xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni mill-aġent superviżur tal-grupp. F'dak il-każ, l-AEAPX tista' tieħu azzjoni skont is-setgħat ikkonferiti lilha minn dak l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a, ħalli tispeċifika l-kriterji sabiex tivvaluta jekk ir-reġim prudenjzali f'pajjiż terz għas-superviżjoni ta' gruppi jkunx ekwivalenti għal dak stabbilit f'dan it-Titolu.

3.   Jekk il-kriterji adottati f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ġew issodisfati minn pajjiż terz, il-Kummissjoni tista', f'konformità mal-Artikolu 301(a), u megħjuna mill-AEAPX f'konformità mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim prudenzjali ta' dak il-pajjiż terz huwa ekwivalenti għal dak stipulat f'dan it-Titolu.

Tali att delegat għandu jkun rieżaminat regolarment sabiex jitqies kwalunkwe tibdil fir-reġim prudenzjali għas-superviżjoni ta' gruppi stipulati f'dan it-Titolu, u fir-reġim prudenzjali fil-pajjiż terz għas-superviżjoni tal-gruppi, u għal kull bidla oħra fir-regolament li tista' taffettwa d-deċiżjoni dwar l-ekwivalenza.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

4.   Fin-nuqqas ta' att delegat adottat mill-Kummissjoni f'konformità mal-paragrafu 3 jew 5 ta' dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 262.

5.   B'deroga mill-paragrafu 3, u wkoll jekk il-kriterji speċifikati fil-paragrafu 2 ma ġewx issodisfati, il-Kummissjoni tista', għal perjodu limitat u f'konformità mal-Artikolu 301a, u megħjuna mill-AEAPX f'konformità mal-Artikolu 33(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, tadotta atti delegati li jiddeterminaw li r-reġim prudenzjali ta' pajjiż terz applikat għal impriżi li l-impriża prinċipali tagħhom jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha barra l-Unjoni fl-1 ta' Jannar 2014 huwa temporanjament ekwivalenti għal dak stipulat fit-Titolu I, jekk dak il-pajjiżi terz ikun ikkonforma tal-anqas mal-kriterji li ġejjin:

(a)

ikun ta impenn lill-Unjoni li jadotta u japplika reġim prudenzjali li jkun jista' jiġi vvalutat bħala ekwivalenti f'konformità mal-paragrafu 3, qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu limitat u li jieħu sehem fil-proċess ta' valutazzjoni tal-ekwivalenza;

(b)

ikun stabbilixxa programm ta' ħidma biex jissodisfa l-impenn skont il-punt (a);

(c)

ikun alloka biżżejjed riżorsi biex jissodisfa l-impenn skont il-punt (a);

(d)

ikollu reġim prudenzjali bbażat fuq ir-riskju u jistabbilixxi rekwiżiti ta' solvenza kwantitattivi u kwalitattivi u rekwiżiti relatati mar-rapportar superviżorju u t-trasparenza u mas-superviżjoni tal-gruppi;

(e)

ikun daħal f'arranġamenti bil-miktub biex jikkoopera u jiskambja informazzjoni superviżorja kunfidenzjali mal-AEAPX u mal-awtoritajiet superviżorji kif definit fl-Artikolu 13(10);

(f)

ikollu sistema ta' superviżjoni indipendenti;

(g)

ikun stabbilixxa obbligi dwar is-segretezza professjonali għall-persuni kollha li jaġixxu f'isem l-awtoritajiet superviżorji tiegħu, b'mod partikolari dwar l-iskambju ta' informazzjoni mal-AEAPX u l-awtoritajiet superviżorji kif definit fl-Artikolu 13(10).

Kwalunkwe atti delegati dwar ekwivalenza temporanja għandhom iqisu r-rapporti mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 177(2). Dawk l-atti delegati għandhom jiġu rieżaminati regolarment, abbażi tar-rapporti ta' progress mill-pajjiż terz rilevanti, li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni u jiġu vvalutati minnha annwalment. L-AEAPX għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta' dawk ir-rapporti ta' progress.

L-AEAPX għandha tippubblika u żżomm aġġornata fil-websajt tagħha lista tal-pajjiżi terzi kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 301a, li jispeċifikaw aktar il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu. L-atti delegati jistgħu jkopru wkoll setgħat għall-awtoritajiet superviżorji biex jimponu rekwiżiti addizzjonali ta' rapportar superviżorju matul il-perjodu ta' ekwivalenza temporanja.

6.   Il-perjodu limitat imsemmi fil-paragrafu 5 għandu jintemm fil-31 ta' Diċembru 2020 jew fid-data li fiha, f'konformità mal-paragrafu 3, ir-reġim prudenzjali ta' dak il-pajjiż terz ikun meqjus bħala ekwivalenti għal dak stabbilit f'dan it-Titolu, skont liema tiġi l-ewwel.

Dak il-perjodu jista' jiġi estiż b'massimu ta' sena oħra, meta dan iż-żmien ikun meħtieġ għall-AEAPX u l-Kummissjoni biex iwettqu l-valutazzjoni tal-ekwivalenza għall-finijiet tal-paragrafu 3.

7.   Meta jiġi adottat att delegat li jiddetermina li r-reġim prudenzjali ta' pajjiż terz huwa temporanjament ekwivalenti f'konformità mal-paragrafu 5, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 261, sakemm ma jkunx hemm impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tinsab fi Stat Membru li jkollha total tal-karta tal-bilanċ li jeċċedi t-total tal-karta tal-bilanċ tal-impriża prinċipali li tinsab barra l-Unjoni. F'dak il-każ, il-kompitu tas-superviżur tal-grupp għandu jkun eżerċitat mill-aġent superviżur tal-grupp.”;

(76)

fl-Artikolu 262(1), l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fin-nuqqas ta' superviżjoni ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 260, jew meta Stat Membru ma japplikax l-Artikolu 261 fil-każ ta' ekwivalenza temporanja f'konformità mal-Artikolu 260(7), dak l-Istat Membru għandu japplika waħda minn dawn li ġejjin għall-impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni:

(a)

l-Artikoli 218 sa 235, u l-Artikoli 244 sa 258, mutatis mutandis;

(b)

wieħed mill-metodi stabbiliti fil-parafrafu 2.”;

(77)

fl-Artikolu 300, l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-ammonti espressi f'euro f'din id-Direttiva għandhom jiġu riveduti kull ħames snin, billi jiżdied l-ammont bażi f'euro bil-bidla perċentwali fl-Indiċijiet Armonizzati tal-Prezzijiet tal-Konsumatur għall-Istati Membri kollha kif ippubblikati mill-Kummissjoni (Eurostat) mill-31 ta' Diċembru 2015 sad-data tar-reviżjoni u miżjud sal-eqreb multiplu ta' EUR 100 000.”;

(78)

L-Artikolu 301 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 301

Proċedura ta' kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew għall-Assigurazzjoniet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/9/KE (*****). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 301a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 17, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 258, 260 u 308b għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' erba' snin mit-23 ta' Mejju 2014.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport għal dak li jirrigwarda s-setgħat delegati sa sitt xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' erba' snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perjodi ta' tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 17, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 258, 260 u 308b, tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ mill-jum ta' wara l-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 17, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 258, 260 jew 308b għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 301b

Dispożizzjoni sunrise għall-istandards tekniċi regolatorji

1.   Sal-24 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni għandha, meta tadotta għall-ewwel darba l-istandards tekniċi regolatorji previsti fl-Artikoli 50, 58, 75, 86, 92, 97, 111, 135, 143, 244, 245, 248 u 249 issegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 301a. Kwalunkwe emenda għal dawn l-atti delegati jew, wara li jkun skada l-perjodu tranżitorju, kwalunkwe standard tekniku regolatorju ġdid għandhom jiġu adottati f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

2.   Id-delega tas-setgħa msemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

3.   Sal-24 ta' Mejju 2016, l-AEAPX tista' tissottometti abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni biex jiġu aġġustati għall-iżviluppi tekniċi fis-swieq finanzjarji l-atti delegati previsti fl-Artikoli 17, 31, 35, 37, 50, 56, 75, 86, 92, 97, 99, 109a, 111, 114, 127, 130, 135, 143, 172, 210, 211, 216, 217, 227, 234, 241, 244, 245, 247, 248, 256, 258, 260 u 308b.

Dawk l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji għandhom ikunu limitati għall-aspetti tekniċi tal-atti delegati msemmija fl-ewwel subparagrafu, f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

(*****)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2003 li tistabbilixxi Kumitat tal-Assigurazzjoniet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (ĠU L 3, 7.1.2004, p. 34).”;"

(79)

fl-Artikolu 304, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 2020, rapport dwar l-applikazzjoni tal-approċċ stabbilit fil-paragrafu 1 u l-prattiki tal-awtoritajiet superviżorji adottati skont il-paragrafu 1, akkumpanjat, meta xieraq, minn proposti adegwati. Dak ir-rapport għandu jindirizza, b'mod partikolari, l-effetti transfruntieri tal-użu ta' dak l-approċċ biex jiġi evitat li jkun hemm arbitraġġ regolatorju mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassgurazzjoni.”;

(80)

għandha tiddaħħal it-taqsima li ġejja fit-Titolu VI, Kapitolu I:

“TAQSIMA 3

ASSIGURAZZJONI U RIASSIGURAZZJONI

Artikolu 308a

Dħul gradwali

1.   Mill-1 ta' April 2015, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu dwar l-approvazzjoni ta':

(a)

fondi proprji anċillari f'konformità mal-Artikolu 90;

(b)

il-klassifikazzjoni ta' entrati ta' fondi proprji msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 95;

(c)

l-użu ta' parametri speċifiċi f'konformità mal-Artikolu 104(7);

(d)

mudell intern sħiħ jew parzjali f'konformità mal-Artikoli 112 u 113;

(e)

entitajiet bi skop speċjali li għandhom jiġu stabbiliti fit-territorju tagħhom f'konformità mal-Artikolu 211;

(f)

fondi proprji anċillari ta' kumpanija b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni intermedja f'konformità mal-Artikolu 226(2);

(g)

mudell intern tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 230, l-Artikolu 231 u l-Artikolu 233(5);

(h)

l-użu tas-sottomodulu tar-riskju ta' ekwità bbażat fuq id-durata f'konformità mal-Artikolu 304;

(i)

l-użu tal-aġġustament tat-tqabbil għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti f'konformità mal-Artikoli 77b u 77c;

(j)

meta l-Istati Membru jkunu jeżiġuh, l-użu tal-aġġustament għall-volatilità għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti f'konformità mal-Artikolu 77d;

(k)

l-użu tal-miżura tranżitorja dwar ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju f'konformità mal-Artikolu 308c;

(l)

l-użu tal-miżura tranżitorja dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi f'konformità mal-Artikolu 308d.

2.   Mill-1 ta' April 2015, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li:

(a)

jiddeterminaw il-livell u l-ambitu tas-superviżjoni tal-grupp f'konformità mat-Titolu III, Kapitolu I, Taqsimiet 2 u 3;

(b)

jidentifikaw is-superviżur tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 247;

(c)

jistabbilixxu kulleġġ ta' superviżuri f'konformità mal-Artikolu 248.

3.   Mill-1 ta' Lulju 2015, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom is-setgħa li:

(a)

jiddeċiedu li jnaqqsu kwalunkwe parteċipazzjoni f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 228;

(b)

jiddeterminaw l-għażla tal-metodu biex tiġi kkalkolata s-solvenza tal-grupp f'konformità mal-Artikolu 220;

(c)

jagħmlu d-determinazzjoni dwar l-ekwivalenza, meta xieraq, f'konformità mal-Artikoli 227 u 260;

(d)

jippermettu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jkunu soġġetti għall-Artikoli 238 u 239, f'konformità mal-Artikolu 236;

(e)

jagħmlu d-determinazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 262 u 263;

(f)

jiddeterminaw, meta xieraq, l-applikazzjoni ta' miżuri tranżitorji f'konformità mal-Artikolu 308b.

4.   L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-awtoritajiet superviżorji konċernati jikkunsidraw applikazzjonijiet sottomessi minn impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal approvazzjoni jew permess f'konformità mal-paragrafi 2 u 3. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet superviżorji dwar applikazzjonijiet għal approvazzjoni jew permess m'għandhomx isiru applikabbli qabel l-1 ta' Jannar 2016.

Artikolu 308b

Miżuri tranżitorji

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 12, l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li, sal-1 ta' Jannar 2016, ma jibqgħux jagħmlu kuntratti tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni u jamministraw esklużivament il-portafoll eżistenti tagħhom sabiex jitterminaw l-attività tagħhom m'għandhomx ikunu soġġetti għat-Titoli I, II u III ta' din id-Direttiva sad-dati stabbiliti fil-paragrafu 2 meta jew:

(a)

l-impriża tkun issodisfat lill-awtorità superviżorja li se tittermina l-attività tagħha qabel l-1 ta' Jannar 2019; jew

(b)

l-impriża tkun soġġetta għal miżuri ta' riorganizzazzjoni stabbiliti fit-Titolu IV, Kapitolu II u jkun inħatar amministratur.

2.   L-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jaqgħu taħt:

(a)

il-paragrafu 1(a) għandhom ikunu soġġetti għat-Titoli I, II u III ta' din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2019 jew minn data aktar bikrija meta l-awtorità superviżorja ma tkunx sodisfatta bil-progress li jkun sar lejn it-terminazzjoni tal-attività tal-impriża;

(b)

il-paragrafu 1(b) għandhom ikunu soġġetti għat-Titoli I, II u III ta' din id-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2021 jew minn data aktar bikrija meta l-awtorità superviżorja ma tkunx sodisfatta bil-progress li jkun sar lejn it-terminazzjoni tal-attività tal-impriża.

3.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri tranżitorji fil-paragrafi 1 u 2 biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impriża ma tkunx parti minn grupp, jew jekk tkun, l-impriżi kollha li jkunu parti mill-grupp ma jibqgħux jagħmlu kuntratti ġodda tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni;

(b)

l-impriża għandha tipprovdi lill-awtorità superviżorja tagħha b'rapport annwali li jistabbilixxi x'progress ikun sar fit-terminazzjoni tal-attività tagħha;

(c)

l-impriża tkun innotifikat lill-awtorità superviżorja tagħha li tapplika l-miżuri tranżitorji.

Il-paragrafi 1 u 2 m'għandhom iwaqqfu lil ebda impriża milli topera f'konformità mat-Titoli I, II u III ta' din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri għandhom ifasslu lista tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni konċernati u jittrażmettu dik il-lista lill-Istati Membri l-oħrajn kollha.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' snin mill-1 ta' Jannar 2016, l-iskadenza għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex jissottomettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi annwali jew anqas frekwenti għandha tonqos b'ġimagħtejn kull sena finanzjarja, u dan għandu jibda mhux aktar tard minn 20 ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża fir-rigward tas-sena finanzjarja tagħha li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2016 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2017, sa mhux aktar tard min 14-il ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża fir-rigward tas-sena finanzjarja tagħha li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2019 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2020.

6.   Għal perjodu ta' mhux aktar minn erba' snin mill-1 ta' Jannar 2016, l-iskadenza għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex jiżvelaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 51 għandha tonqos b'ġimagħtejn kull sena finanzjarja, u dan għandu jibda mhux aktar tard minn 20 ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża fir-rigward tas-sena finanzjarja tagħha li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2016 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2017, sa mhux aktar tard min 14-il ġimgħa wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża fir-rigward tas-sena finanzjarja tagħha li tintemm fit-30 ta' Ġunju 2019 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2020.

7.   Għal perjodu ta' mhux iktar minn erba' snin mill-1 ta' Jannar 2016, l-iskadenza għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex jissottomettu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(1) sa (4) fuq bażi trimestrali għandha tonqos b'ġimgħa kull sena finanzjarja, u dan għandu jibda mhux aktar tard minn tmien ġimgħat fir-rigward ta' kwalunkwe trimestru li jintemm fl-1 ta' Jannar 2016 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2017, sa ħames ġimgħat fir-rigward ta' kwalunkwe trimestru li jintemm fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara din id-data iżda qabel l-1 ta' Jannar 2020.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-paragrafi 5, 6 u 7 ta' dan l-Artikolu japplikaw mutatis mutandis għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni parteċipanti, għall-kumpaniji b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni u għall-kumpaniji azzjonarji finanzjarji mħallta fil-livell tal-grupp skont l-Artikoli 254 u 256, filwaqt li l-iskadenzi msemmija fil-paragrafi 5, 6 u 7 għandhom jiġu estiżi b'sitt ġimgħat rispettivament.

9.   Minkejja l-Artikolu 94, l-entrati ta' fondi proprji bażiċi li għandhom jiġu inklużi f' fondi proprji bażiċi Grad 1 għal sa għaxar snin wara l-1 ta' Jannar 2016, kemm-il darba dawk l-entrati:

(a)

inħarġu qabel l-1 ta' Jannar 2016 jew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 97, skont liema tiġi l-ewwel;

(b)

fil-31 ta' Diċembru 2015 jistgħu jintużaw biex jintlaħaq il-marġni ta' solvenza disponibbli sa 50 % tal-marġni ta' solvenza skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma adottati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 73/239/KEE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/13/KE, l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 36(3) tad-Direttiva 2005/68/KE;

(c)

altrimenti ma jkunux ikklassifikati fil-Grad 1 jew fil-Grad 2 f'konformità mal-Artikolu 94;

10.   Minkejja l-Artikolu 94, l-entrati ta' fondi proprji bażiċi li għandhom jiġu inklużi fil-fondi proprji bażiċi Grad 2 għal sa 10 snin wara l-1 ta' Jannar 2016, kemm-il darba dawk l-entrati:

(a)

inħarġu qabel l-1 ta' Jannar 2016 jew qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fl-Artikolu 97, skont liema tiġi l-ewwel;

(b)

fil-31 ta' Diċembru 2015 jistgħu jintużaw biex jintlaħaq il-marġni ta' solvenza disponibbli sa 25 % tal-marġni ta' solvenza skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma adottati skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 73/239/KEE, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/13/KE, l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 36(3) tad-Direttiva 2005/68/KE.

11.   Fir-rigward tal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li jinvestu f'titoli negozjabbli jew fi strumenti finanzjarji oħrajn ibbażati fuq selfiet ripakkjati li nħarġu qabel l-1 ta' Jannar 2011, ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 135(2) għandhom japplikaw biss f'ċirkostanzi fejn skoperturi sottostanti ġodda ġew miżjuda jew sostitwiti wara l-31 ta' Diċembru 2014.

12.   Minkejja l-Artikolu 100, l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 104, għandu japplika dan li ġej:

(a)

sal-31 ta' Diċembru 2017 il-parametri standard li għandhom jintużaw meta jiġu kkalkolati s-submodulu tar-riskju ta' konċentrazzjoni u s-submodulu tar-riskju ta' firxa f'konformità mal-formula standard għandhom ikunu l-istess fir-rigward tal-iskoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru bħal dawk li jkunu applikati għal tali skoperturi denominati u ffinanzjati fil-munita domestika tagħhom;

(b)

fl-2018 il-parametri standard li għandhom jintużaw meta jiġu kkalkolati s-submodulu tar-riskju ta' konċentrazzjoni u s-submodulu tar-riskju ta' firxa f'konformità mal-formula standard għandhom jitnaqqsu bi 80 % fir-rigward ta' skoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor;

(c)

fl-2019 il-parametri standard li għandhom jintużaw meta jiġu kkalkolati s-submodulu tar-riskju ta' konċentrazzjoni u s-submodulu tar-riskju ta' firxa f'konformità mal-formula standard għandhom jitnaqqsu b'50 % fir-rigward ta' skoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor;

(d)

sal-1 ta' Jannar 2020 l-parametri standard li għandhom jintużaw meta jiġu kkalkolati s-submodulu tar-riskju ta' konċentrazzjoni u s-submodulu tar-riskju ta' firxa f'konformità mal-formula standard m'għandhomx jitnaqqsu fir-rigward ta' skoperturi għall-gvernijiet ċentrali jew il-banek ċentrali tal-Istati Membri denominati u ffinanzjati fil-munita domestika ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor.

13.   Minkejja l-Artikolu 100, l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 104, il-parametri standard li għandhom jintużaw għall-ekwitajiet li l-impriża xtrat fl-1 ta' Jannar 2016 jew qabel, meta jiġi kkalkolat is-submodulu ta' riskju tal-ekwitajiet f'konformità mal-formula standard mingħajr l-għażla stabbilita fl-Artikolu 304, għandhom jiġu kkalkolati bħala l-medji ponderati ta':

(a)

il-parametru standard li għandu jintuża meta jiġi kkalkolat is-submodulu ta' riskju tal-ekwitajiet f'konformità mal-Artikolu 304; u

(b)

il-parametru standard li għandu jintuża meta jiġi kkalkolat is-submodulu ta' riskju tal-ekwitajiet f'konformità mal-formula standard mingħajr l-għażla stabbilita fl-Artikolu 304.

Il-piż għall-parametru espress fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jiżdied tal-anqas b'mod lineari fi tmiem kull sena minn 0 % matul is-sena li tibda fl-1 ta' Jannar 2016 għal 100 % sal-1 ta' Jannar 2023.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 301a li jispeċifikaw aktar il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati, inklużi l-ekwitajiet li jistgħu jkunu soġġetti għall-perjodu tranżitorju.

Sabiex tiżgura kundizzjonijiet ta' applikazzjoni uniformi ta' dak il-perjodu tranżitorju, l-AEAPX għandha tiżviluppa abbozzi tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu.

L-AEAPX għandha tissottometti dawk l-abbozzi tal-standards tekniċi ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-30 ta' Ġunju 2015.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni msemmija fir-raba' subparagrafu f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

14.   Minkejja l-Artikolu 138(3) u bla ħsara għall-paragrafu 4 ta' dak l-Artikolu, meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jikkonformaw mal-Marġni Meħtieġ ta' Solvenza msemmi fl-Artikolu 16a tad-Direttiva 73/239/KEE, l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/83/KE jew l-Artikoli 37, 38 jew 39 tad-Direttiva 2005/68/KE rispettivament kif applikabbli fil-liġi tal-Istat Membru fil-jum qabel ma dawk id-Direttivi jiġu mħassra skont l-Artikolu 310 ta' din id-Direttiva iżda ma jikkonformawx mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fl-ewwel sena ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-awtorità superviżorja għandha teżiġi li l-impriża konċernata tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikseb l-istabbiliment tal-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew it-tnaqqis tal-profil tar-riskju tagħha biex tkun żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza sal-31 ta' Diċembru 2017.

Kull tliet xhur, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata għandha tissottometti rapport ta' progress lill-awtorità superviżorja tagħha li fih tispjega l-miżuri li jkunu ttieħdu u l-progress li jkun sar biex jerġa' jiġi stabbilit il-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex jitnaqqas il-profil tar-riskju biex tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

L-estensjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tiġi rtirata meta dak ir-rapport ta' progress juri li ma kien hemm l-ebda progress sinifikanti biex jinkiseb ir-ristabbiliment tal-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew it-tnaqqis tal-profil tar-riskju biex tiġi żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza bejn id-data tal-osservazzjoni tan-nuqqas ta' konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza u d-data tal-preżentazzjoni tar-rapport ta' progress.

15.   Meta, fit-23 ta' Mejju 2014, l-Istati Membri tad-domiċilju jkunu applikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/41/KE, dawn l-Istati Membri tad-domiċilju jistgħu jibqgħu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li kienu adotttaw bl-għan li jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 19, 27 sa 30, 32 sa 35 u 37 sa 67 tad-Direttiva 2002/83/KE kif fis-seħħ fl-aħħar data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/83/KE sal-31 ta' Diċembru 2019.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati li jemendaw il-perjodu tranżitorju preskritt f'dan il-paragrafu meta emendi għall-Artikoli 17 sa 17c tad-Direttiva 2003/41/KE jkunu ġew adottati qabel id-data speċifikata f'dan il-paragrafu.

16.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-impriża prinċipali aħħarija tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, matul perjodu sal-31 ta' Marzu 2022, tapplika għall-approvazjoni ta' mudell intern tal-grupp applikabbli għal parti ta' grupp meta kemm l-impriża kif ukoll l-impriża prinċipali aħħarija jkunu jinsabu fl-istess Stat Membru u jekk din il-parti tkun parti distinta li jkollha profil tar-riskju differenti b'mod sinifikanti mill-bqija tal-grupp.

17.   Minkejja l-Artikolu 218(2) u (3), id-dispożizzjonijiet tranżitorji kif imsemmija fil-paragrafi 8 sa 12 u 15 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikoli 308c, 308d u 308e għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-grupp.

Minkejja l-Artikolu 218(2), (3) u (4), id-dispożizzjonijiet tranżitorji kif imsemmija fil-paragrafu 14 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis fil-livell tal-grupp u meta l-impriżi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni parteċipatorji jew l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fi grupp jikkonformaw mar-Rekwiżit Aġġustat ta' Solvenza msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 98/78/KE iżda ma jikkonformawx mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 301a li jistabbilixxu l-bidliet fis-solvenza tal-grupp meta d-dispożizzjonijiet tranżitorji msemmija fil-paragrafu 13 ta' dan l-Artikolu ikunu japplikaw u li jirrigwardaw:

(a)

l-eliminazzjoni ta' użu doppju tal-fondi proprji eliġibbli u tal-ħolqien intragrupp ta' kapital stabbiliti fl-Artikoli 222 u 223;

(b)

il-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet stabbilita fl-Artikolu 224;

(c)

l-applikazzjoni tal-metodi ta' kalkolu marbuta mal-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 225;

(d)

l-applikazzjoni tal-metodi ta' kalkolu marbuta mal-kumpaniji b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni intermedji stabbiliti fl-Artikolu 226;

(e)

il-metodi għall-kalkolu tas-solvenza tal-grupp stabbiliti fl-Artikoli 230 u 233;

(f)

il-kalkolu tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza tal-grupp stabbilit fl-Artikolu 231;

(g)

l-istabbiliment ta' supplimentazzjoni kapitali stabbilita fl-Artikolu 232;

(h)

il-prinċipji fil-kalkolu tas-solvenza tal-grupp ta' kumpanija b'parteċipazzjoni tal-assigurazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 235.

Artikolu 308c

Miżura tranżitorja dwar ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu, jekk dan jiġi approvat mill-awtorità superviżorja tagħhom, japplikaw aġġustament tranżitorju għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti fir-rigward tal-obbligi ammissibbli tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

2.   Għal kull munita l-aġġustament għandu jkun ikkalkolat bħala parti mid-differenza bejn:

(a)

ir-rata tal-imgħax kif determinata mill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma adottati skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/83/KE fl-aħħar data tal-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva;

(b)

ir-rata effettiva annwali, ikkalkolata bħala r-rata ta' skont unika li, meta applikata għall-flussi ta' flus tal-portafoll ta' obbligi ammissibbli tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, twassal għal valur li jkun ugwali għall-valur tal-aħjar stima tal-portafoll tal-obbligi ammissibbli tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni meta l-valur taż-żmien tal-flus jiġi kkunsidrat bl-użu tal-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 77(2).

Meta l-Istati Membri jkunu adottaw liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi skont l-Artikolu 20(1)B(a)(ii) tad-Direttiva 2002/83/KE, ir-rata tal-imgħax imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tiġi determinata bl-użu tal-metodi użati mill-impriża tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fl-aħħar data tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/83/KE.

Il-parti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tonqos linearment fl-aħħar ta' kull sena minn 100 % matul is-sena li tibda mill-1 ta' Jannar 2016 sa 0 % fl-1 ta' Jannar 2032.

Meta l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni japplikaw l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti msemmija fil-punt (b) għandha tkun aġġustata għall-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti stabbilita fl-Artikolu 77d.

3.   L-obbligi ammissibbli tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għandhom jinkludu biss obbligi tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-kuntratti li jwasslu għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ġew konklużi qabel l-ewwel data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, ħlief it-tiġdid ta' kuntratti f'dik id-data jew warajha;

(b)

sal-aħħar data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2002/83/KE, dispożizzjonijiet tekniċi għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kienu determinati f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma adottati skont l-Artikolu 20 ta' dik id-Direttiva 2002/83/KE fl-aħħar data ta' applikazzjoni tagħha;

(c)

l-Artikolu 77b mhuwiex applikat għall-obbligi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni.

4.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw il-paragrafu 1:

(a)

m'għandhomx jinkludux l-obbligi ammissibbli tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni fil-kalkolu tal-aġġustament għall-volatilità stabbilit fl-Artikolu 77d;

(b)

m'għandhomx japplikaw l-Artikolu 308d;

(c)

bħala parti mir-rapport tagħhom dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 51, għandhom jiżvelaw pubblikament li japplikaw l-istruttura tat-terminu tar-rata tal-imgħax mingħajr riskju rilevanti, u l-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nonapplikazzjoni ta' din il-miżura tranżitorja fuq il-qagħda finanzjarja tagħhom.

Artikolu 308d

Miżura tranżitorja dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi

1.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistgħu, jekk dan ikun approvat mill-awtorità superviżorja tagħhom, japplikaw tnaqqis tranżitorju għad-dispożizzjonijiet tekniċi. Dak it-tnaqqis jista' jiġi applikat fil-livell tal-gruppi ta' riskju omoġenji msemmija fl-Artikolu 80.

2.   It-tnaqqis tranżitorju għandu jikkorrispondi għal parti mid-differenza bejn iż-żewġ ammonti li ġejjin:

(a)

id-dispożizzjonijiet tekniċi wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli minn kuntratti tar-riassigurazzjoni u entitajiet bi skop speċjali, ikkalkolati f'konformità mal-Artikolu 76 fl-ewwel data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

(b)

id-dispożizzjonijiet tekniċi wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli mill-kuntratti tar-riassigurazzjoni kkalkolati f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu adottati skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 73/239/KE, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2002/83/KE u l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2005/68/KE fil-jum qabel dawk id-Direttivi jitħassru skont l-Artikolu 310 ta' din id-Direttiva.

Il-parti massima li tista' titnaqqas għandha tonqos linearment fl-aħħar ta' kull sena minn 100 % matul is-sena li tibda mill-1 ta' Jannar 2016 għal 0 % fl-1 ta' Jannar 2032.

Meta impriżi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni japplikaw, fl-ewwel data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-aġġustament għall-volatilità msemmi fl-Artikolu 77d, l-ammont imsemmi fil-punt (a) għandu jiġi kkalkolat bl-aġġustament għall-volatilità f'dik id-data.

3.   Soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità superviżorja jew fuq inizjattiva tagħha, l-ammonti tad-dispożizzjonijiet tekniċi inklużi, meta applikabbli, l-ammont tal-aġġustament għall-volatilità, użat biex jiġi kkalkolat it-tnaqqis tranżitorju msemmi fil-paragrafu 2(a) u (b) jista' jerġa' jiġi kkalkolat kull 24 xahar, jew aktar frekwentement meta l-profil tar-riskju tal-impriża jkun inbidel materjalment.

4.   It-tnaqqis imsemmi fil-paragrafu 2 jista' jkun limitat mill-awtorità superviżorja jekk l-applikazjzoni tiegħu jista' jirriżulta fi tnaqqis tar-rekwiżiti tar-riżorsi finanzjarji li japplikaw għall-impriża meta mqabbla ma' dawk ikkalkolati f'konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li huma adottati skont id-Direttiva 73/239/KEE, id-Direttiva 2002/83/KE u d-Direttiva 2005/68/KE fil-jum qabel dawk id-Direttivi jitħassru skont l-Artikolu 310 ta' din id-Direttiva.

5.   L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw il-paragrafu 1:

(a)

m'għandhomx japplikaw l-Artikolu 308c;

(b)

meta ma jikkonformawx mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr applikazzjoni tat-tnaqqis tranżitorju, għandhom jissottomettu annwalment rapport lill-awtorità superviżorja tagħhom li jispjega l-miżuri meħuda u li progress li sar biex fi tmiem il-perjodu tranżitorju stabbilit fil-paragrafu 2 jiġi ristabbilit livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex jitnaqqas il-profil tar-riskju tagħhom biex jerġa' jkun hemm konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza;

(c)

bħala parti mir-rapport tagħhom dwar is-solvenza u s-sitwazzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 51, għandhom jiżvelaw pubblikament li japplikaw it-tnaqqis tranżitorju għad-dispożizzjonijiet tekniċi, u l-kwantifikazzjoni tal-impatt tan-nonapplikazzjoni ta' dak it-tnaqqis tranżitorju fuq il-qagħda finanzjarja tagħhom.

Artikolu 308e

Pjan ta' dħul gradwali dwar il-miżuri tranżitorji dwar ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju u d-dispożizzjonijiet tekniċi

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li japplikaw il-miżuri tranżitorji stabbiliti fl-Artikoli 308c jew 308d għandhom jinfurmaw lill-awtorità superviżorja malli josservaw li mhumiex se jikkonformaw mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri tranżitorji. L-awtorità superviżorja għandha teżiġi li l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni konċernata tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fi tmiem il-perjodu tranżitorju.

Fi żmien xahrejn mill-osservazzjoni tan-nonkonformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza mingħajr l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri tranżitorji, l-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kkonċernata għandha tissottometti lill-awtorità superviżorja pjan ta' dħul gradwali li jistabbilixxi l-miżuri ppjanati biex jiġi stabbilit il-livell ta' fondi proprji eliġibbli li jkopru r-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew biex jitnaqqas il-profil tar-riskju tiegħu biex tkun żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fi tmiem il-perjodu tranżitorju. L-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni konċernata tista' taġġorna l-pjan ta' dħul gradwali matul il-perjodu tranżitorju.

L-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni konċernati għandhom jissottomettu annwalment rapport lill-awtorità superviżorja tagħhom li jispjega l-miżuri meħuda u l-progress li sar biex tkun żgurata l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fi tmiem il-perjodu tranżitorju. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jirrevokaw l-approvazzjoni għall-applikazzjoni tal-miżura tranżitorja meta dak ir-rapport ta' progress juri li l-konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza fi tmiem il-perjodu tranżitorju mhijiex realistika.”;

(81)

L-Artikolu 309(1) għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 4, 10, 13, 14, 18, 23, 26 sa 32, 34 sa 49, 51 sa 55, 67, 68, 71, 72, 74 sa 85, 87 sa 91, 93 sa 96, 98, 100 sa 110, 112, 113, 115 sa 126, 128, 129, 131 sa 134, 136 sa 142, 144, 146, 148, 162 sa 167, 172, 173, 178, 185, 190, 192, 210 sa 233, 235 sa 240, 243 sa 258, 260 sa 263, 265, 266, 303 u 304 u l-Annessi III u IV sal-31 ta' Marzu 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.”;

(b)

għandu jiddaħħal is-subparagrafu li ġej:

“Minkejja t-tieni subparagrafu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 308a mill-1 ta' April 2015.”;

(82)

jiddaħħal l-artikolu li ġej::

“Artikolu 310a

Persunal u riżorsi tal-AEAPX

L-AEAPX għandha tivvaluta l-ħtiġijiet ta' persunal u riżorsi li jirriżultaw mis-setgħat u d-dmirijiet tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva u għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rabta ma' dan.”;

(83)

l-Artikolu 311 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 311

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 308a għandu japplika mill-1 ta' April 2015.

L-Artikoli 1, 2, 3, 5 sa 9, 11, 12, 15, 16, 17, 19 sa 22, 24, 25, 33, 57 sa 66, 69, 70, 73, 145, 147, 149 sa 161, 168 sa 171, 174 sa 177, 179 sa 184, 186 sa 189, 191, 193 sa 209, 267 sa 300, 302, 305 sa 308, 308b u l-Annessi I u II, V, VI u VII għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016.

Il-Kummissjoni tista' tadotta atti delegati u standards tekniċi regolatorji u ta' implimentazzjoni qabel id-data msemmija fit-tielet paragrafu.”;

(84)

fl-Anness III, parti A, il-punt 28 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(28)

fi kwalunkwe każ u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tal-assigurazzjoni mhux tal-ħajja mniżżla fil-punti (1) sa (27) u (29), il-forma tal-Kumpanija Ewropea (SE) kif iddefinita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001(1);

(29)

sa fejn l-Istat Membru kkonċernat jippermetti li l-forma legali ta' soċjetà kooperattiva tibda teżerċita n-negozju tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tal-assigurazzjoni mhux fuq il-ħajja mniżżla fil-punti (1) sa (28), il-forma ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) kif iddefinita fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (******).

(******)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).”;"

(85)

fl-Anness III, parti B, il-punt 28 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(28)

fi kwalunkwe każ u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja mniżżla fil-punti (1) sa (27) u (29), il-forma ta' Kumpanija Ewropea (SE) kif iddefinita fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001;

(29)

sa fejn l-Istat Membru kkonċernat jippermetti li l-forma legali ta' soċjetà kooperattiva tibda teżerċita n-negozju tal-assigurazzjoni tal-ħajja u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tal-assigurazzjoni tal-ħajja mniżżla fil-punti (1) sa (28), il-forma ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1435/2003.”;

(86)

fl-Anness III, Parti C, il-punt 28 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(28)

fi kwalunkwe każ u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tar-riassigurazzjoni mniżżla fil-punti (1) sa (27) u (29), il-forma ta' Kumpanija Ewropea (SE) kif iddefinita fir-Regolament (KE) Nru 2157/2001;

(29)

sa fejn l-Istat Membru kkonċernat jippermetti li l-forma legali ta' soċjetà kooperattiva tibda teżerċita n-negozju tar-riassigurazzjoni u bħala alternattiva għall-forom ta' impriżi tar-riassigurazzjoni mniżżla fil-punti (1) sa (28), il-forma ta' Soċjetà Kooperattiva Ewropea f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1435/2003.”;

(87)

fit-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VII, taħt il-kolonna “Din id-Direttiva”, l-Artikolu 13(27) jiddaħħal bħala korrispondenti għall-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

Fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, l-Artikolu 2(3) għandu jitħassar.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' joġġezzjona għal standard tekniku regolatorju f'perjodu ta' tliet xhur mid-data tan-notifika tal-istandard tekniku regolatorju adottat mill-Kummissjoni. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu jista' jiġi estiż bi tliet xhur.

Meta l-Kummissjoni tadotta standard tekniku regolatorju li jkun l-istess bħall-abbozz tal-istandard tekniku regolatorju sottomess mill-Awtorità, il-perjodu li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għandu jkun ta' xahar mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar. Dak il-perjodu estiż jista' jerġa' jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(2)

fl-Artikolu 17(2), it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Bla ħsara għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 35, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha li l-Awtorità tikkunsidra neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, anke fir-rigward ta' kif l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) huma applikati f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.”.

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista' joġġezzjona għal standard tekniku regolatorju f'perjodu ta' tliet xhur mid-data tan-notifika tal-istandard tekniku regolatorju adottat mill-Kummissjoni. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur.

Meta l-Kummissjoni tadotta standard tekniku regolatorju li jkun l-istess bħall-abbozz tal-istandard tekniku regolatorju sottomess mill-Awtorità, il-perjodu li matulu l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għandu jkun ta' xahar mid-data tan-notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahar. Dak il-perjodu estiż jista' jerġa' jiġi estiż b'xahar fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(2)

fl-Artikolu 17(2), it-tieni subparagrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Bla ħsara għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 35, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-Awtorità bl-informazzjoni kollha li l-Awtorità tikkunsidra neċessarja għall-investigazzjoni tagħha, anke fir-rigward ta' kif l-atti msemmija fl-Artikolu 1(2) huma applikati f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.”.

Artikolu 6

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta' Jannar 2017 u kull sena wara din id-data, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jispeċifika jekk l-ASE jkunux issottomettew l-abbozzi tal-istandards teknici regolatorji u ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE, kemm jekk il-preżentazzjoni ta' dawn l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji jew ta' implimentazzjoni tkun obbligatorja kif ukoll jekk tkun fakultattiva, flimkien ma' proposti, fejn opportun.

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1), (3), (6) sa (11), (13), (14), (17) sa (23), (32), (34), (36), (38) sa (44), (46) sa (54), (56) sa (59), (65) sa (70), (72), (75), (76), (80), (81), (84), (85) u (86) sal-31 ta' Marzu 2015. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk il-miżuri.

2.   Huma għandhom japplikaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 mill-1 ta' Jannar 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom iżommu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-aħħar pubblikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir referenza bħal din.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2(25), (43) u (82) għandu japplika mill-31 ta' Marzu 2015.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 159, 28.5.2011, p. 10.

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 82.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(4)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(6)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(7)  Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120).

(8)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(9)  Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

(10)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(12)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(13)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1).

(14)  Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1).

(15)  Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

(16)  Direttiva tal-Kunsill 64/225 tal-25 ta' Frar 1964 dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni (ĠU 56, 4.4.1964, p. 878).

(17)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3).

(18)  Direttiva tal-Kunsill 73/240/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 li tabolixxi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' stabbiliment fin-negozju ta' assigurazzjoni diretta apparti minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 20).

(19)  Direttiva tal-Kunsill 76/580/KEE tat-29 ta' Ġunju 1976 li temenda d-Direttiva 73/239/KEE dwar il-koordinament ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward il-bidu u t-twettiq tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta ta' xort' oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 189, 13.7.1976, p. 13).

(20)  Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta' Mejju dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' koassigurazzjoni Komunitarja (ĠU L 151, 7.6.1987, p. 25).

(21)  Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE tal-10 ta' Diċembru 1984 li temenda, b'mod partikolari fir-rigward ta' assistenza turistika, l-Ewwel Direttiva (73/239/KEE) dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ ta' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 339, 27.12.1984, p. 21).

(22)  Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE tat-22 ta' Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU L 185, 4.7.1978, p. 77).

(23)  It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta' Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma'assigurazzjoni diretta ta' xort' oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1).

(24)  Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu ma' assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1).

(25)  Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 1998 dwar is-superviżjoni supplimentari ta' intrapriżi tal-assigurazzjoni u ta' grupp ta' assugurazzjoni (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1).

(26)  Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28).

(27)  Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

(28)  Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE, 92/49/KEE kif ukoll id-Direttivi 98/78/KE u 2002/83/KE (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1).


22.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/62


DIRETTIVA 2014/53/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' April 2014

dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġizlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi. Billi għandhom isiru aktar emendi, għandha tiġi sostitwita fl-interessi taċ-ċarezza.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistipula regoli dwar l-akkreditazzjoni tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, jipprovdi qafas għas-sorveljanza tas-suq u l-kontrolli ta' prodotti minn pajjiżi terzi, u jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-marka CE.

(3)

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta' referenza maħsuba biex japplikaw għal leġiżlazzjoni settorjali sabiex jipprovdu bażi koerenti għar-reviżjoni jew ir-riformulazzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni. Id-Direttiva 1999/5/KE għandha għalhekk tkun adattata għal dik id-Deċiżjoni.

(4)

Ir-rekwiżiti essenzjali stipulati fid-Direttiva 1999/5/KE li huma relevanti għat-tagħmir terminali ta' linja fissa, jiġifieri li jiġu żgurati l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni u tal-annimali domestiċi u l-protezzjoni tal-proprjetà u livell adegwat ta' kompatibilità elettromanjetika, huma koperti b'mod adegwat mid-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Għalhekk, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għat-tagħmir terminali ta' linja fissa.

(5)

Kwistjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq tat-tagħmir terminali huma koperti b'mod adegwat mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE (8), partikolarment permezz tal-obbligu għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jiżguraw il-pubblikazzjoni tad-dettalji tal-ispeċifikazzjonijiet għall-interfaċċja teknika għall-aċċess għan-netwerk. Għalhekk, m'hemmx bżonn li f'din id-Direttiva jiġu inklużi rekwiżiti li jiffaċilitaw il-kompetizzjoni fis-suq tat-tagħmir terminali kopert bid-Direttiva 2008/63/KE.

(6)

It-tagħmir li intenzjonalment jipproduċi jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-fini tal-komunikazzjoni bir-radju jew id-determinazzjoni bir-radju jagħmel użu sistematiku mill-ispettru tar-radju. Sabiex isir użu effiċjenti mill-ispettru tar-radju u ma jkunx hemm interferenza dannuża, dan it-tagħmir kollu għandu jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(7)

L-objettivi fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sigurtà stipulati fid-Direttiva 2014/35/UE huma biżżejjed biex ikopru t-tagħmir tar-radju, u għalhekk għandhom ikunu ir-referenza u jsiru applikabbli permezz ta' din id-Direttiva. Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni żejda ta' dispożizzjonijiet għajr dawk li jikkonċernaw tali rekwiżiti, id-Direttiva 2014/35/UE ma għandhiex tapplika għat-tagħmir tar-radju.

(8)

Ir-rekwiżiti essenzjali fil-qasam tal-kompatibbiltà elettromanjetika stipulati mid-Direttiva 2014/30/UE huma biżżejjed biex ikopru t-tagħmir tar-radju, u għalhekk għandhom ikunu r-referenza u jsiru applikabbli permezz ta' din id-Direttiva. Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni żejda ta' dispożizzjonijiet għajr dawk li jikkonċernaw ir-rekwiżiti essenzjali, id-Direttiva 2014/30/UE ma għandhiex tapplika għat-tagħmir tar-radju.

(9)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-forom kollha ta' provvista, inkluż il-bejgħ mill-bogħod.

(10)

Sabiex ikun żgurat li t-tagħmir tar-radju juża l-ispettru tar-radju b'mod effettiv u jsostni l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju, it-tagħmir tar-radju għandu jinbena b'tali mod li: fil-każ ta' trażmettitur, meta t-trażmettitur jiġi installat, miżmum u użat b'mod korrett għall-iskop intiż tiegħu dan jiġġenera emissjonijiet ta' mewġ tar-radju li ma jikkawżawx interferenza dannuża, filwaqt li emissjonijiet ta' mewġ tar-radju mhux mixtieqa ġġenerati mit-trasmettitur (eż. f'kanali qrib xulxin) b'impatt potenzjali negattiv fuq l-għanijiet tal-politika tal-ispettru tar-radju għandhom ikunu limitati għal livell li, skont it-teknoloġija l-aktar avvanzata, tkun evitata interferenza dannuża; u, fil-każ ta' riċevitur, dan għandu livell ta' prestazzjoni li jippermettilu jopera kif maħsub u jipproteġih kontra riskju ta' interferenza dannuża, b'mod partikolari minn kanali kondiviżi jew qrib xulxin, u b'hekk isostni titjib fl-użu effiċjenti ta' kanali kondiviżi jew qrib xulxin.

(11)

Għalkemm ir-riċevituri nfushom ma jikkawżawx interferenza dannuża, il-kapaċitajiet ta' riċezzjoni huma fattur dejjem aktar importanti biex jiġi żgurat użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju permezz ta' reżiljenza ikbar tar-riċevituri kontra interferenza dannuża u sinjali mhux mixtieqa fuq il-bażi tar-rekwiżiti essenzjali rilevanti tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni.

(12)

L-interoperabilità permezz ta' netwerks ma' tagħmir ieħor tar-radju u l-konnessjoni ma' interfaċċji tat-tip xieraq madwar l-Unjoni hija meħtieġa f'xi każijiet. L-interoperabilità bejn it-tagħmir tar-radju u l-aċċessorji bħaċ-ċarġers tissimplifika l-użu tat-tagħmir tar-radju u tnaqqas il-ħela u l-ispejjeż bla bżonn. Hu meħtieġ sforz imġedded biex jiġi żviluppat ċarġer komuni għal kategoriji partikolari jew klassijiet ta' tagħmir tar-radju, partikolarment għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ta' utenti finali oħra; din id-Direttiva għandha għalhekk tinkludi rekwiżiti speċifiċi f'dan il-qasam. B'mod partikolari, telefowns ċellulari li jkunu disponibbli fis-suq għandhom ikunu kumpatibbli ma' ċarger komuni.

(13)

Il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-utenti u tal-abbonati tat-tagħmir tar-radju u l-protezzjoni mill-frodi tista' tiġi msaħħa b'karatteristiċi partikolari tat-tagħmir tar-radju. It-tagħmir tar-radju għandu għalhekk, fil-każijiet xierqa, jiġi ddisinjat b'tali mod li jappoġġa dawk il-karatteristiċi.

(14)

It-tagħmir tar-radju jista' jkun strumentali fil-provvista tal-aċċess għas-servizzi tal-emerġenza. It-tagħmir tar-radju għandu għalhekk, fil-każijiet xierqa, jiġi ddisinjat b'tali mod li jappoġġa l-karatteristiċi meħtieġa għall-aċċess għal dawk is-servizzi.

(15)

It-tagħmir tar-radju huwa importanti għall-benessri u l-impjieg ta' persuni b'diżabilità, li jirrappreżentaw proporzjon sostanzjali u li qiegħed dejjem jikber tal-popolazzjoni tal-Istati Membri. It-tagħmir tar-radju għandu għalhekk, fil-każijiet xierqa, ikun iddisinjat b'tali mod li persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jużawh mingħajr adattazzjonijiet jew b'adattazzjonijiet minimi biss;

(16)

Il-konformità ta' xi kategoriji ta' tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva tista' tiġi affettwata mill-inklużjoni ta' softwer jew mill-modifika tas-softwer eżistenti tiegħu. L-utent, it-tagħmir tar-radju, jew parti terza għandhom ikunu jistgħu jillowdjaw softwer fuq it-tagħmir tar-radju meta dan ma jkunx jikkomprometti l-konformità sussegwenti ta' dak it-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli.

(17)

Sabiex ikunu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, ilis-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fuq il-livell tal-għarfien espert. Il-Kummissjoni, meta tipprepara u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u adegwata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)

Sabiex ikunu indirizzati b'mod effettiv il-bżonnijiet marbuta mal-interoperabilità, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza tal-utent u tal-abbonat, il-protezzjoni mill-frodi, l-aċċess għal servizzi tal-emerġenza, l-użu mill-utenti b'diżabilità jewil-prevenzjoni ta' kombinazzjonijiet mhux konformi ta' tagħmir tar-radju u ta' softwer, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kategoriji jew il-klassijiet tat-tagħmir tar-radju li jkollhom jikkonformaw ma' wieħed jew aktar mir-rekwiżiti essenzjali addizzjonali stabbiliti f'din id-Direttiva li jindirizzaw dawk il-bżonnijiet.

(19)

Il-verifika bit-tagħmir tar-radju tal-konformità tal-kombinazzjoni tiegħu mas-softwer ma għandhiex tiġi abbużata sabiex tipprevjeni l-użu tiegħu ma' softwer ipprovdut minn partijiet indipendenti. Id-disponibbiltà lill-awtoritajiet pubbliċi, il-manifatturi u l-utenti tal-informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet intiżi tat-tagħmir tar-radju u s-softwer għandha tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-kompetizzjoni. Sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ta' kategoriji jew klassijiet tat-tagħmir tar-radju li għalihom il-manifatturi jkollhom jipprovdu informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet intiżi tat-tagħmir tar-radju u s-softwer mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva.

(20)

Rekwiżit għar-reġistrazzjoni f'sistema ċentrali ta' tagħmir tar-radju li se jitqiegħed fis-suq jista' jżid l-effiċjenza u l-effettività tas-sorveljanza tas-suq u b'dan il-mod jikkontribwixxi biex jiġi żgurat livell għoli ta' konformità ma' din id-Direttiva. Dan ir-rekwiżit ifisser piż addizzjonali fuq l-operaturi ekonomiċi u għalhekk għandu jiġi introdott biss għal dawk il-kategoriji tat-tagħmir tar-radju fejn għadu ma ntlaħaqx livell għoli ta' konformità. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta' tali rekwiżit, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kategoriji tat-tagħmir tar-radju li l-manifatturi għandhom jirreġistraw f' sistema ċentrali u tal-elementi ta' dokumentazzjoni teknika li jeħtieġ ikunu provduti abbażi tal-informazzjoni dwar il-konformità tat-tagħmir tar-radju mogħtija mill-Istati Membri u wara li ssir evalwazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.

(21)

It-tagħmir tar-radju li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali relevanti għandu jitħalla jiċċirkola liberament. Dan it-tagħmir għandu jitħalla jitqiegħed fis-servizz u jintuża għall-iskop intiż tiegħu, fejn applikabbli skont ir-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-ispettru tar-radju u l-għoti tas-servizz ikkonċernat.

(22)

Sabiex ma jkunx hemm ostakli bla bżonn għall-kummerċ fit-tagħmir tar-radju fis-suq intern tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, skont id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni bil-proġetti tagħhom fil-qasam tar-regolamenti tekniċi, bħall-interfaċċji tar-radju, sakemm dawk ir-regolamenti tekniċi ma jippermettux lill-Istati Membri li jikkonformaw ma' atti vinkolanti tal-Unjoni bħal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu armonizzat tal-ispectrum tar-radju adottati taħt id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) jew meta dawn jikkorrispondu għal tagħmir tar-radju li jista' jitqiegħed fis-servizz u jiġi użat mingħajr restrizzjonijiet fl-Unjoni.

(23)

L-għoti tal-informazzjoni dwar l-ekwivalenza tal-interfaċċji rregolati tar-radju u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom inaqqas l-ostakli għall-aċċess għat-tagħmir tar-radju tas-suq intern. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tistabbilixxi l-ekwivalenza tal-interfaċċji rregolati tar-radju u tagħmel tali informazzjoni disponibbli fl-għamla ta' klassijiet tat-tagħmir tar-radju.

(24)

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/344/KE (11), l-Istati Membri għandhom jużaw is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Frekwenza (EFIS) tal-Uffiċċju Ewropew tal-Komunikazzjoni stabbilita mill-Uffiċċju Ewropew tar-Radjokomunikazzjonijiet (ECO) sabiex tagħmel disponibbli għall-pubbliku informazzjoni komparabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju f'kull Stat Membru permezz tal-Internet. Il-manifatturi jistgħu jfittxu fl-EFIS informazzjoni dwar il-frekwenza għall-Istati Membri kollha qabel it-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tar-radju u b'hekk jevalwaw jekk u taħt liema kundizzjonijiet jista' jintuża dan it-tagħmir tar-radju f'kull Stat Membru. Għalhekk, ma hemmx il-ħtieġa li f'din id-Direttiva jiġu inklużi dispożizzjonijiet addizzjonali, bħan-notifika minn qabel, li jippermettu li l-manifatturi jiġu infurmati bil-kundizzjonijiet tal-użu tat-tagħmir tar-radju li juża meded tal-frekwenza mhux armonizzati.

(25)

Għall-iskop tal-promozzjoni tal-attivitajiet tar-riċerka u d-dimostrazzjoni għandu jkun possibbli, fil-kuntest tal-fieri kummerċjali, il-wirjiet u l-avvenimenti simili, li jiġi eżibit tagħmir tar-radju li ma jikkonformax ma' din id-Direttiva u li ma jistax jitqiegħed fis-suq, bil-kundizzjoni li l-eżibituri jiżguraw li tingħata biżżejjed informazzjoni lill-pubbliku li jżurhom.

(26)

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu responsabbli mill-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva, fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-katina tal-provvista, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni u tal-annimali domestiċi, u l-protezzjoni tal-proprjetà, livell adegwat tal-kompatibilità elettromanjetika, użu effikaċi u effiċjenti tal-ispettru tar-radju u fejn meħtieġ, livell għoli ta' protezzjoni ta' interessi pubbliċi oħra, u sabiex ma jkunx hemm interferenza dannuża, u biex tiġi garantita l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni.

(27)

L-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-katina tal-provvista u tad-distribuzzjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li jagħmlu biss disponibbli fis-suq it-tagħmir tar-radju li jkun konformi ma' din id-Direttiva. Jeħtieġ li tkun prevista distribuzzjoni ċara u proporzjonata tal-obbligi li jikkorrispondu mar-rwol ta' kull operatur ekonomiku fil-proċess tal-katina tal-forniment u tad-distribuzzjoni.

(28)

Sabiex tkun faċilitata l-komunikazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq u l-konsumaturi, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-operaturi ekonomiċi jinkludu indirizz tal-websajt minbarra l-indirizz postali.

(29)

Il-manifattur, li jkollu għarfien dettaljat tad-disinn u tal-proċess tal-produzzjoni, huwa fl-aħjar pożizzjoni li jwettaq il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità. Il-valutazzjoni tal-konformità għalhekk għandha tibqa' unikament l-obbligu tal-manifattur.

(30)

Il-manifattur għandu jagħti biżżejjed informazzjoni dwar l-użu intiż tat-tagħmir tar-radju sabiex ikun jista' jsir użu minnu f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali. Jista' jinħtieġ li din l-informazzjoni tkun tinkludi deskrizzjoni tal-aċċessorji bħall-antenni u tal-komponenti bħal softwer, u speċifikazzjonijiet tal-proċess tal-installazzjoni tat-tagħmir tar-radju.

(31)

Instab li r-rekwiżit stipulat fid-Direttiva 1999/5/KE li tiġi inkluża dikjarazzjoni tal-UE dwar il-konformità mat-tagħmir jissimplifika u jżid l-informazzjoni u l-effiċjenza tas-sorveljanza tas-suq. Il-possibilità li tingħata dikjarazzjoni tal-UE ssimplifikata dwar il-konformità wasslet biex jitnaqqas il-piż marbut ma' dan ir-rekwiżit mingħajr ma tnaqqset l-effettività tagħha, u għandha għaldaqstnat tiġi pprovduta f'din id-Direttiva. Barra minn hekk, sabiex ikun żgurat aċċess faċli u effiċjenti għal dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, inkluża dikjarazzjoni simplifikata ta' konformità tal-UE, għandu jkun possibbli li din titwaħħal mal-imballaġġ tat-tagħmir tar-radju kkonċernat.

(32)

Jeħtieġ li jkun żgurat li t-tagħmir tar-radju minn pajjiżi terzi li jidħol fl-Unjoni jkun konformi ma' din id-Direttiva, u b'mod partikolari li l-manifatturi jkunu għamlu l-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità xierqa fir-rigward ta' dak it-tagħmir tar-radju. Għalhekk għandu jiġi previst li l-importaturi jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li jitqiegħed fis-suq ikun konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u li dawn ma jqiegħdux fis-suq tagħmir tar-radju li ma jikkonformax ma' dawn ir-rekwiżiti jew li jippreżenta xi riskju. Għandha ssir dispożizzjoni għall-importaturi biex jiġi żgurat li jkunu saru l-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u li l-marki u d-dokumentazzjoni tat-tagħmir tar-radju magħmul mill-manifatturi jkunu disponibbli għall-ispezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(33)

Meta jqiegħed tagħmir tar-radju fis-suq, kull importatur għandu jindika fuq it-tagħmir tar-radju ismu, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata u l-indirizz postali fejn ikun jista' jsir kuntatt miegħu. Għandhom jiġu previsti eċċezzjonijiet f'każijiet fejn id-daqs jew in-natura tal-prodott ma jippermettux li dan isir. Dan jinkludi każijiet fejn l-importatur ikollu jiftaħ l-imballaġġ biex iqiegħed ismu u l-indirizz tiegħu fuq it-tagħmir tar-radju.

(34)

Id-distributur jagħmel tagħmir tar-radju disponibbli fuq fis-suq wara li dan ikun tqiegħed fis-suq mill-manifattur jew mill-importatur u għandu jaġixxi b'diliġenza dovuta sabiex jiżgura li t-trattament tat-tagħmir tar-radju min-naħa tiegħu ma jolqotx ħażin il-konformità tat-tagħmir.

(35)

Kull operatur ekonomiku li jqiegħed tagħmir tar-radju f'ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu jew jimmodifika tagħmir tar-radju b'mod li dan jista' jaffettwa l-konformità ma' din id-Direttiva, għandu jitqies bħala manifattur u għandu jassumi l-obbligi ta' manifattur.

(36)

Id-distributuri u l-importaturi, minħabba li huma qrib tas-suq, għandu jkollhom x'jaqsmu fix-xogħol tas-sorveljanza tas-suq li jsir minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u għandhom ikunu lesti jipparteċipaw b'mod attiv, billi jagħtu lil dawk l-awtoritajiet l-informazzjoni kollha neċessarja dwar it-tagħmir tar-radju kkonċernat.

(37)

Meta tkun żgurata t-traċċabbiltà tat-tagħmir tar-radju fil-katina kollha tal-provvista, dan jikkontribwixxi biex is-sorveljanza tas-suq tkun aktar sempliċi u effikaċi. Sistema effiċjenti ta' traċċabbiltà tħaffef il-ħidma tal-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq biex jittraċċaw lill-operaturi ekonomiċi li jkunu għamlu disponibbli fis-suq tagħmir tar-radju mhux konformi. Meta tinżamm l-informazzjoni mitluba skont din id-Direttiva għall-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi, l-operaturi ekonomiċi m'għandhomx jintalbu jaġġornaw din l-informazzjoni fir-rigward ta' operaturi ekonomiċi oħra li jkunu għaddewlhom tagħmir tar-radju jew ta' dawk li lilhom għaddew tagħmir tar-radju.

(38)

Din id-Direttiva għandha tkun limitata għall-espressjoni tar-rekwiżiti essenzjali. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti jinħtieġ li jsiru provvedimenti għall-preżunzjoni tal-konformità għat-tagħmir tar-radju li jkun konformi mal-istandards armonizzati li jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) għall-iskop tal-espressjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati ta' dawk ir-rekwiżiti.

(39)

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jipprevedi proċedura għall-oġġezzjonijiet għall-istandards armonizzati fejn dawk l-istandards ma jissodisfawx bis-sħiħ ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

(40)

Sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu juru u l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżguraw li t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali, huwa neċessarju li jiġu previsti proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità. Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tistabbilixxi moduli għal proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li jinkludu proċeduri mill-anqas sal-aktar stretti, fi proporzjon mal-livell ta' riskju involut u l-livell ta' sigurtà meħtieġa. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza intersettorjali u biex jiġu evitati varjanti ad-hoc, il-proċeduri ta' valutazzjoni ta' konformità għandhom jintgħażlu minn fost dawn il-moduli.

(41)

Il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE biex jipprovdu informazzjoni mitluba taħt din id-Direttiva dwar il-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u tal-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra tal-armonizzazjoni tal-Unjoni.

(42)

Biex jiġi żgurat aċċess effettiv għal informazzjoni għall-iskop tas-sorveljanza tas-suq, l-informazzjoni mitluba biex ikunu identifikati l-atti applikabbli kollha tal-Unjoni għandha tkun disponibbli f'dikjarazzjoni unika ta' konformità tal-UE. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi ekonomiċi, dik id-dikjarazzjoni unika ta' konformità tal-UE tista' tkun dossier magħmul minn dikjarazzjonijiet rilevanti individwali tal-konformità.

(43)

Il-marka CE, li tindika l-konformità tat-tagħmir tar-radju, hija r-riżultat viżibbli ta' proċess sħiħ li jinkludi l-valutazzjoni tal-konformità f'sens wiesa'. Prinċipji ġenerali li jirregolaw il-marka CE huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Regoli li jirregolaw it-twaħħil tal-marka CE għandhom jiġu stipulati f'din id-Direttiva.

(44)

Ir-rekwiżit li titwaħħal il-marka CE fuq il-prodotti huwa importanti għall-informazzjoni tal-konsumaturi u tal-awtoritajiet pubbliċi. Il-possibilità stipulata fid-Direttiva 1999/5/KE biex titwaħħal marka CE iċken fuq tagħmir ta' daqs żgħir, bil-kundizzjoni li din tibqa' viżibbli u leġibbli, ippermettiet li l-applikazzjoni ta' dak ir-rekwiżiti tiġi ssimplifikata mingħajr ma tnaqqset l-effettività tagħha, u għalhekk għandha tiġi inkluża f'din id-Direttiva.

(45)

Ir-rekwiżit stipulati f'din id-Direttiva 1999/5/KE li titwaħħal il-marka CE fuq l-imballaġġ tat-tagħmir instab li jissimplifika l-kompitu tas-sorveljanza tas-suq, u għalhekk għandu jiġi inkluż f'din id-Direttiva.

(46)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju jista' jkun disponibbli fis-suq biss jekk, meta installat u miżmum kif xieraq u użat għall-iskop intiż tiegħu, dan jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva u, fil-każ tar-rekwiżit essenzjali għall-iżgurar tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtàtal-persuni u tal-annimali domestiċi u tal-protezzjoni tal-prorpjeta, ukoll mal-kundizzjonijiet tal-użu li jistgħu jkunu previsti b'mod raġonevoli. L-apparat tar-radju għandu jkun ikkunsidrat bħala mhux konformi ma' dak ir-rekwiżit essenzjali biss taħt kundizzjonijiet ta' użu li jistgħu jkunu previsti b'mod raġonevoli, jiġifieri meta dan l-użu jista' jirriżulta minn imġiba umana legali u faċilment prevedibbli.

(47)

Minħabba l-pass mgħaġġel tat-tibdil teknoloġiku lejn ambjent mingħajr karta, fejn it-tagħmir tar-radju jkun mgħammar bi skrin integrat,il-Kummissjoni għandha teżamina, bħala parti mir-reviżjoni tal-operat ta' din id-Direttiva, il-fattibbiltà tal-bdil tar-rekwiżiti għat-twaħħil: tal-isem tal-manifattur, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata u punt uniku jew indirizz postali li fih ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati, il-marka CE, u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, jew b'funzjoni li biha tali informazzjoni tkun awtomatikament esebita jew meta jinxtegħel it-tagħmir tar-radju, jew b'funzjoni li tippermetti lill-utent finali jagħżel id-display tat-tagħrif relevanti. Barra minn hekk, bħala parti mill-eżami tal-fattibbiltà, fejn apparat tar-radju li jkun mgħammar bi skrin integrali jopera minn batterija integrali li ma żżommx ċarġ inizjali, il-Kummissjoni għandha wkoll tikkunsidra l-użu ta' skrin integrali trasparenti li jista' jitneħħa u li jkopri t-tikketti li jista' jesibixxi l-istess informazzjoni.

(48)

Ċerti proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva jirrikjedu l-intervent tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, li jiġu notifikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(49)

L-esperjenza wriet li l-kriterji stabbiliti fid-Direttiva 1999/5/KE li korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom josservaw biex ikunu notifikati lill-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex jiżguraw livell uniformi għoli ta' operat ta' korpi notifikati fl-Unjoni Ewropea kollha. Iżda huwa essenzjali li l-korpi kollha notifikati jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fuq l-istess livell u f'kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta. Dan jitlob li jkunu stabbiliti rekwiżiti obbligatorji għall-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità li jixtiequ li jkunu notifikati sabiex jagħtu servizzi ta' valutazzjoni ta' konformità.

(50)

Jekk xi korp ta' valutazzjoni tal-konformità juri konformità mal-kriterji stipulati fl-istandards tal-armonizzazzjoni, għandha tiġi preżunta l-konformità mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f'din id-Direttiva.

(51)

Biex jiżguraw livell konsistenti ta' kwalità fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità huwa neċessarju wkoll li jkunu stabbiliti rekwiżiti għall-awtoritajiet notifikanti u korpi oħra involuti fil-valutazzjoni, in-notifika u l-monitoraġġ ta' korpi notifikati.

(52)

Is-sistema stabbilita f'din id-Direttiva għandha tkun ikkomplementata mis-sistema ta' akkreditament prevista fir-Regolament (KE) Nru 765/2008. Billi l-akkreditament huwa mezz essenzjali ta' verifika tal-kompetenza tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, għandu jintuża wkoll għall-finijiet tan-notifika.

(53)

L-akkreditament trasparenti kif previst fir-Regolament (KE) Nru 765/2008, li jiżgura l-livell neċessarju ta' fiduċja fiċ-ċertifikati ta' konformità, għandu jitqies mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali fl-Unjoni kollha bħala l-mezz preferut biex tintwera l-kompetenza teknika tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità. Madankollu, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu li għandhom f'idejhom il-mezzi xierqa biex iwettqu dik il-valutazzjoni huma stess. F'każ bħal dan, sabiex ikun żgurat il-livell adegwat ta' kredibbiltà tal-valutazzjoni minn awtoritajiet nazzjonali oħrajn, dawn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-evidenza dokumentarja meħtieġa li turi l-konformità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità valutati mar-rekwiżiti regolatorji rilevanti.

(54)

Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità sikwit jagħtu b'sottokuntratt parti mix-xogħol tagħhom konness mal-valutazzjoni tal-konformità jew jgħadduh lil sussidjarju. Biex ikun salvagwardjat livell għoli ta' protezzjoni meħtieġ biex it-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq Komunitarju, huwa essenzjali li għall-valutazzjoni tal-konformità, is-sottokuntratturi u s-sussidjarji jissodisfaw l-istess rekwiżiti bħall-korpi notifikati relattivament għat-twettiq ta' kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità. Għalhekk huwa importanti li l-valutazzjoni tal-kompetenza u l-operat ta' korpi li għandhom jiġu notifikati u l-monitoraġġ ta' korpi diġà notifikati jkopru wkoll il-kompiti mwettqa minn sottokuntratturi u sussidjarji.

(55)

Jeħtieġ li jiżdiedu l-effiċjenza u t-trasparenza tal-proċedura tan-notifika u b'mod partikolari, li tiġi adattata għal teknoloġiji ġodda biex tkun tista' ssir notifika onlajn.

(56)

Ladarba korpi notifikati jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni, huwa xieraq li Stati Membri oħra u l-Kummissjoni jingħataw l-opportunità li jagħmlu oġġezzjonijiet fir-rigward tal-korp notifikat. Huwa, għalhekk importanti li jkun previst perjodu li matulu kull dubju jew tħassib dwar il-kompetenza tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità jkunu jistgħu jiġu kkjarifikati qabel ma jibdew jaħdmu bħala korpi notifikati.

(57)

Fl-interessi tal-kompetittività huwa kruċjali li l-korpi notifikati japplikaw il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità mingħajr ma joħolqu xi piż bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Għall-istess raġuni u biex ikun żgurat trattament ugwali ta' operaturi ekonomiċi, għandha tkun żgurata l-konsistenza fl-applikazzjoni teknika tal-moduli. Dak jista' jsir l-aħjar permezz ta' koordinazzzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi notifikati.

(58)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, hemm bżonn li jkun iċċarat li r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni stipulati fir-Regolament (KE) Nru 765/2008/KE japplikaw għat-tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex ma tħallix Stati Membri milli jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu dawn il-ħidmiet.

(59)

Id-Direttiva 1999/5/KE diġà tipprevedi proċedura ta' salvagwardja li tapplika biss f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Istati Membri dwar miżuri meħudin minn Stat Membru. Biex tiżdied it-trasparenza u biex jitnaqqas iż-żmien tal-ipproċessar jeħtieġ li tittejjeb il-proċedura ta' salvagwardja eżistenti, bil-għan li ssir aktar effiċjenti u biex jintuża l-għarfien espert li jista' jinkiseb fl-Istati Membri.

(60)

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni adottati skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE jistgħu jinkludu kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju li jista' bħala konsegwenza jkollu l-limitazzjoni tal-ammont totali ta' elementi ta' tagħmir tar-radju li jitqiegħed fis-servizz, bħal data “tat-terminazzjoni”, rata massima ta' penetrazzjoni jew għadd massimu ta' elementi ta' tagħmir tar-radju f'kull Stat Membru jew fl-Unjoni kollha. Dawk il-kundizzjonijiet jippermettu li s-suq jinfetaħ għal tagħmir tar-radju ġdid filwaqt li jillimitaw ir-riskju ta' interferenza dannuża bl-akkumulazzjoni ta' numru eċċessiv ta' elementi ta' tagħmir tar-radju li jitqiegħed fis-servizz, ukoll jekk dak it-tagħmir individwalment jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti f'din id-Direttiva. Il-ksur ta' tali kundizzjonijiet jista' joħloq riskju għar-rekwiżiti essenzjali, partikolarment riskju ta' interfaċċja dannuża.

(61)

Is-sistema eżistenti għandha tkun supplimentata bi proċedura li skontha l-partijiet interessati jiġu informati b'miżuri maħsuba biex jittieħdu fir-rigward ta' tagħmir tar-radju li jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtàtal-persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti mir-rekwiżiti essenzjali f'din id-Direttiva. Għandha tippermetti wkoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, b'kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi rilevanti, jaġixxu fi stadju minn qabel fir-rigward ta' dak it-tagħmir.

(62)

Fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu dwar il-ġustifikazzjoni ta' miżura meħuda minn Stat Membru, ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-Kummissjoni jkollha tinvolvi lilha nnifisha aktar, ħlief fejn in-nuqqas ta' konformità jkun jista' jiġi attribwit lin-nuqqasijiet f'xi standard armonizzat.

(63)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(64)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża biex ikunu adottati atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw kif tiġi ppreżentata l-informazzjoni fil-każijiet ta' restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-servizz jew ta' rekwiżiti eżistenti għal awtorizzazzjoni għal użu; u t-talba li tinnotifika l-Istat Membru jieħu miżuri korrettivi meħtieġa fir-rigward ta' korp notifikat li ma jilħaqx jew ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti għal din in-notifika.

(65)

Il-proċedura ta' eżami għandha wkoll tintuża biex ikunu adottati atti ta' implimentazzjoni: li jiddeterminaw jekk ċerti kategoriji ta' prodotti elettriċi jew elettroniċi jilħqux id-definizzjoni ta' “tagħmir tar-radju”; li jistipulaw ir-regoli operattivi biex l-informazzjoni dwar il-konformità issir disponibbli;li jistipulaw ir-regoli operattivi għar-reġistrazzjoni u r-regoli operattivi għat-twaħħil tan-numru tar-reġistrazzjoni fuq tagħmir tar-radju, u li jistabilixxu l-ekwivalenza bejn interfaċċja tar-radju notifikata u l-għoti tal-klassi tat-tagħmir tar-radju. Hija għandha tintuża wkoll fir-rigward ta' tagħmir tar-radju konformi li jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni jew ta' aspetti oħra tal-protezzjoni tal-interess pubbliku.

(66)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati ma' apparat tar-radju konformi li jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(67)

Bi qbil mal-prattika stabbilita, il-kumitat imwaqqaf minn din id-Direttiva jista' jkollu rwol utli fl-eżaminar ta' kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva mqajma jew mill-president tagħha jew minn rappreżentant ta' Stat Membru skont ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

(68)

Meta kwistjonijiet relatati ma' din id-Direttiva, għajr l-implimentazzjoni jew il-ksur tagħha, qed jiġu eżaminati, jiġifieri fi grupp ta' esperti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu, bi qbil mal-prassi eżistenti jirċievi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni sħiħa u, fejn, xieraq, stedina biex jattendi tali laqgħat.

(69)

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni u, minħabba n-natura speċjali tagħhom, waqt li taġixxi mingħajr l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, tiddetermina jekk il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fir-rigward ta' tagħmir tar-radju li ma jkunux konformi humiex ġustifikati jew le.

(70)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawk ir-regoli jkunu infurzati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(71)

Jeħtieġ li jiġu previsti arranġamenti tranżizzjonali li jippermettu t-tqegħid fis-suq u t-tħaddim ta' tagħmir tar-radju li jkun diġà tqiegħed fis-suq skont id-Direttiva 1999/5/KE.

(72)

Il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat.

(73)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tiżgura li t-tagħmir tar-radju li tqiegħed fis-suq jissodisfa r-rekwiżiti li jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà, livell adegwat ta' kompatibilità elettromanjetika u użu effiċjenti tal-ispettru sabiex ma jkunx hemm interferenza dannuża, filwaqt li jiġi garantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, ma jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri imma jista', għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif imsemmi fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(74)

Id-Direttiva 1999/5/KE għandha titħassar.

(75)

Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (14), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' trasponiment tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' trasponiment nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-direttiva, il-leġislatur iqis ġustifikata t-trażmissjoni ta' tali dokumenti,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju għat-tagħmir tar-radju biex ikun jista' jitqiegħed fis-suq u jintuża fl-Unjoni.

2.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-tagħmir elenkat fl-Anness I.

3.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal tagħmir tar-radju esklussivament użat f'attivitajiet li jikkonċernaw is-siġurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà tal-Istat, inkluż il-ġid ekonomiku tal-Istat fil-każ ta' attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwistjonijiet ta' sigurtà tal-Istat, u l-attivitajiet tal-Istat fil-qasam tal-liġi kriminali.

4.   It-tagħmir tar-radju li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandux ikun soġġett għad-Direttiva 2014/35/UE, ħlief kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“tagħmir tar-radju” tfisser prodott elettriku jew elettroniku li intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew determinazzjoni bir-radju, jew prodott elettriku jew elettroniku, prodott li jkun jonqsu aċċessorju, bħal antenna, sabiex intenzjonalment jipproduċi u/jew jirċievi l-mewġ tar-radju għall-iskop ta' komunikazzjoni bir-radju u/jew ta' determinazzjoni bir-radju;

(2)

“komunikazzjoni bir-radju” tfisser komunikazzjoni permezz tal-mewġ tar-radju;

(3)

“determinazzjoni bir-radju” tfisser id-determinazzjoni tal-pożizzjoni, il-veloċità u/jew karatteristiċi oħra ta' oġġett, jew il-kisba ta' informazzjoni relatata ma' dawk il-parametri, permezz tal-proprjetajiet ta' propagazzjoni tal-mewġ tar-radju;

(4)

“mewġ tar-radju” tfisser mewġ elettromanjetiku ta' frekwenzi inqas minn 3 000 GHz, propagat fl-ispazju mingħajr gwida artifiċjali;

(5)

“interfaċċja tar-radju” tfisser l-ispeċifikazzjoni tal-użu regolat tal-ispettru tar-radju;

(6)

“klassi tat-tagħmir tar-radju” tfisser klassi li tidentifika kategoriji partikolari ta' tagħmir tar-rajdu li, skont din id-Direttiva, huma meqjusa simili u dawk l-interfaċċji tar-radju li għalihom it-tagħmir tar-radju jkun disinjat.

(7)

“interferenza dannuża” tfisser interferenza dannuża kif definita fil-punt (r) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15);

(8)

“disturb elettromanjetiku” tfisser disturb elettromanjetiku kif definit fil-punt 5 tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2014/30/UE;

(9)

“tagħmel disponibbli fis-suq” tfisser kull provvista ta' tagħmir tar-radju għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(10)

“tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li tagħmir tar-radju jkun disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

(11)

“tqegħid fis-servizz” tfisser l-użu ta' tagħmir tar-radju għall-ewwel darba fl-Unjoni mill-utent finali.

(12)

“manifattur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura t-tagħmir tar-radju, jew li għandha t-tagħmir tar-radju ddisinjat jew immanifatturat, u li tqegħid fis-suq dak il-prodott taħt isimha jew il-marka kummerċjali tagħha;

(13)

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f'ismu relattivament għal kompiti speċifiċi;

(14)

“importatu” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed apparat tar-radju minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(15)

“distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, għajr il-manifattur jew l-importatur, li tagħmel tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq;

(16)

“operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;

(17)

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistipula r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu ssodisfati mit-tagħmir tar-radju;

(18)

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(19)

“akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(20)

“korp nazzjonali ta' akkreditament” tfisser korp tal-akkreditament kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(21)

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ikunux ġew issodisfati r-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva relatati mat-tagħmir tar-radju;

(22)

“korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità;

(23)

“teħid lura” tfisser kull miżura maħsuba biex jittieħed lura tagħmir tar-radju li jkun diġà sar disponibbli għall-utent finali;

(24)

“irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex ma tħallix li tagħmir tar-radju fil-katina tal-provvista jsir disponibbli fis-suq;

(25)

“leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni” tfisser kull leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti;

(26)

“marka CE” tfisser marka li permezz tagħha l-manifattur jindika li t-tagħmir tar-radju huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha.

2.   Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tiddetermina jekk ċerti kategoriji ta' prodotti elettriċi jew elettroniċi jikkonformawx mad-definizzjoni stabbilita fil-punt 1 tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 3

Rekwiżiti essenzjali

1.   It-tagħmir tar-radju għandu jinbena b'tali mod li jiżgura:

(a)

il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni utal-annimali domestiċi u l-protezzjoni tal-proprjetà, inklużi l-għanijiet dwar il-ħtiġijiet ta' sigurtà li jinsabu fid-Direttiva 2014/35/UE, iżda mingħajr l-applikazzjoni ta' limitu ta' vultaġġ;

(b)

livell adegwat tal-kompatibilità elettromanjetika kif stipulata fid-Direttiva 2004/30/UE;

2.   It-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'tali mod li juża b'mod effettiv u jsostni l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju biex tiġi evitata interferenza dannuża

3.   It-tagħmir tar-radju f'ċerti kategoriji jew klassijiet għandu jinbena b'tali mod li jkun konformi mar-rekwiżiti essenzjali li ġejjin:

(a)

it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli mal-aċċessorji, b'mod partikolari maċ-ċargers komuni;

(b)

it-tagħmir tar-radju jkun kompatibbli permezz tan-netwerks ma' tagħmir tar-radju ieħor;

(c)

it-tagħmir tar-radju jkun jista' jitqabbad mal-interfaċċji tat-tip xieraq fl-Unjoni kollha;

(d)

it-tagħmir tar-radju ma jagħmilx ħsara lin-netwerk jew lit-tħaddim tiegħu u lanqas ma juża ħażin ir-riżorsi tan-netwerk b'mod li jikkawża degradazzjoni mhux aċċettabbli għas-servizz;

(e)

it-tagħmir tar-radju jinkorpora salvagwardji biex jiżguraw li d-data personali u l-privatezza tal-utent u tal-abbonat ikunu protetti;

(f)

it-tagħmir tar-radju isostni ċerti karatteristiċi li jiżguraw il-protezzjoni mill-frodi;

(g)

it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi li jiżguraw l-aċċess għas-servizzi ta' emerġenza;

(h)

it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti fatturi biex jiffaċilitaw l-użu tagħhom minn utenti b'diżabilità.

(i)

it-tagħmir tar-radju jappoġġa ċerti karatteristiċi sabiex jiżgura li s-softwer ikun jista' jiġi llowdjat biss fit-tagħmir tar-radju fejn tkun intweriet il-konformità tal-kombinazzjoni ta' tagħmir tar- radju u ta' softwer.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet tat-tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati minn kull wieħed mir-rekwiżiti stipulati fil-punti (a) sa (i) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 4

Għoti ta' informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet ta' tagħmir tar-radju u ta' softwer

1.   Il-manifatturi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer li jippermetti lit-tagħmir tar-radju li jintuża kif intiż, għandhom jipprovdu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni informazzjoni dwar il-konformità tal-kombinazzjonijiet intiżi tat-tagħmir tar-radju u tas-softwer bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Tali informazzjoni għandha tirriżulta minn valutazzjoni tal-konformità mwettqa bi qbil mal-Artikolu 17, u għandha tingħata fix-xejra ta' dikjarazzjoni ta' konformità li tinkludi l-elementi stabbiliti fl-Anness VI. Skont il-kumbinazzjonijiet speċifiċi tat-tagħmir tar-radju u s-software, l-informazzjoni għandha tispeċifika b'mod preċiż it-tagħmir tar-radju u s-software li kien valutat, u għandha tkun aġġornata kontinwament.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji jew klassijiet ta' tagħmir tar-radju jkunu kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1, ta' dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-konformità disponibbli għall-kategoriji u l-klassijiet sġeċifikati fl-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 5

Ir-reġistrazzjoni ta' tipi ta' tagħmir tar-radju f'xi kategoriji

1.   Mit-12 ta' Ġunju 2018, il-manifatturi għandhom jirreġistraw it-tipi tat-tagħmir tar-radju f'kategoriji ta' tagħmir affettwati minn livell baxx ta' konformità bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 4 ta' dan l-Artikolu f'sistema ċentrali msemmija fil-paragrafu 3 qabel ma dan it-tagħmir tar-radju f'dawk il-kategoriji ma jkun jista' jitqiegħed fis-suq. Meta jiġu reġistrati tali tipi ta' tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom jipprovdu xi elementi tad-dokumentazzjoni teknika, jew fejn ġustifikat id-dokumentazzjoni teknika kollha, elenkata fil-punti (a), (d), (e), (f), (g), (h) u (i) tal-Anness V. Il-Kummissjoni għandha talloka numru tar-reġistrazzjoni lil kull tip ta' tagħmir tar-radju rreġistrat, u li l-manifatturi għandhom iwaħħlu fuq it-tagħmir tar-radju mqiegħed fis-suq.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 44 li jispeċifikaw liema kategoriji ta' tagħmir tar-radju huma kkonċernati mir-rekwiżit stipulat fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, u l-elementi tad-dokumentazzjoni teknika li jridu jkunu provduti, filwaqt li jikkunsidraw l-informazzjoni dwar il-konformità tat-tagħmir tar-radju mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 47(1), u wara valutazzjoni tar-riskju ta' nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.

3.   Il-Kummissjoni għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistipulaw ir-regoli operattivi għar-reġistrazzjoni u r-regoli operattivi għat-twaħħil tan-numru tar-reġistrazzjoni fuq tagħmir tar-radju għall-kategoriji speċifikati mill-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli sistema ċentrali li tippermetti lill-manifatturi jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa. Dik is-sistema għandha tiżgura kontroll xieraq għall-aċċess għall-informazzjoni ta' natura kunfidenzjali.

5.   Wara d-data tal-applikazzjoni ta' att delegat adottat skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ir-rapporti ppreparati skont l-Artikolu 47(1) u (2) għandhom jevalwaw l-impatti tagħhom.

Artikolu 6

Id-disponibilità fis-suq

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju jsir disponibbli fis-suq biss jekk jikkonforma ma' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Tqegħid fis-servizz u użu

L-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-servizz u l-użu tat-tagħmir tar-radju jekk ikun konformi ma' din id-Direttiva meta jkun installat, miżmum kif xieraq u użat għall-iskop li kien intiż għalih. Bla ħsara għall-obbligi tagħhom skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE u għall-kundizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-frekwenzi f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, partikolarment skont l-Artikoli 9(3) u (4) tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu biss rekwiżiti addizzjonali għat-tqegħid fis-servizzi u/jew l-użu tat-tagħmir tar-radju għal raġunijiet marbuta mal-użu effettiv u effiċjenti tal-ispettru tar-radju, mal-evitar tal-interferenza dannuża, mal-evitar tad-disturbi elettromanjetiċi jew mas-saħħa pubblika.

Artikolu 8

Notifika tal-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċja tar-radju u assenjazzjoni tal-klassijiet tat-tagħmir tar-radju

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, skont il-proċedura stipulata fid-Direttiva 98/34/KE, l-interfaċċji tar-radju li beħsiebhom jirregolaw għajr:

(a)

l-interfaċċji tar-radju li jikkonformaw b'mod sħiħ u mingħajr ebda devjazzjoni mad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju skont id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE; u

(b)

l-interfaċċji tar-radju li, skont l-atti ta' implimentazzjoni adottati skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jikkorrispondu ma' tagħmir tar-radju li jista' jitqiegħed fis-servizz u użat mingħajr restrizzjonijiet fl-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ekwivalenza bejn l-interfaċċji nnotifikati u li jassenjaw klassi tat-tagħmir tar-radju, li d-dettalji tagħhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 9

Moviment liberu ta' tagħmir tar-radju

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu minħabba raġunijiet marbuta ma' aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-disponibbiltà fis-suq fit-territorju tagħhom tat-tagħmir tar-radju li hu konformi ma' din id-Direttiva.

2.   F'fieri kummerċjali, esibizzjonijiet u avvenimenti simili, l-Istati Membri m'għandhomx joħolqu ostakoli għall-wiri ta' tagħmir tar-radju li ma jkunx jikkonforma ma' din id-Direttiva, basta sinjal li jidher ikun jindika ċar li dak it-tagħmir tar-radju ma' jistax ikun disponibbli fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz sakemm ma jkunx sar konformi ma' din id-Direttiva. Dimostrazzjoni ta' tagħmir tar-radju tista' biss issir sakemm ikunu ttieħdu miżuri adegwati, kif imfassla mill-Istati Membri, biex jevitaw interferenza dannuża, disturbi elettromanjetiċi u r-riskju għas-saħħa jew is-sigurtàta' persuni jew ta' annimali domestiċi jew ta' proprjetà.

KAPITOLU II

L-OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI

Artikolu 10

Obbligi tal-manifatturi

1.   Il-manifatturi, meta jqiegħdu t-tagħmir tar-radju tagħhom fis-suq, għandhom jiżguraw li dan ikun ġie iddisinjat u mmanifatturat skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju għandu jkun mibni b'mod li jista' jiġi operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju.

3.   Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 21 u jwettqu l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità relevanti msemmija fl-Artikolu 17 jew iqabbdu lil xi ħadd biex jagħmilha f'isimhom.

Fejn tkun intweriet il-konformità ta' tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti applikabbli permezz ta' dik il-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.

4.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta' konformita tal-UE għal 10 snin wara li l-apparat ta' pressjoni jkun tqiegħed fis-suq.

5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa' konformi ma' din id-Direttiva. Għandhom jitqiesu b'mod adegwat dawk it-tibdiliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tat-tagħmir tar-radju u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħra li b'referenza għalihom tiġi dikjarata l-konformità tat-tagħmir tar-radju.

Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju, il-manifatturi għandhom, biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtàtal-utenti finali, jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

6.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq ikollu t-tip, il-partita jew in-numru tas-serje jew kull element ieħor biex ikun jista' jiġi identifikat, jew, jekk id-daqs jew natura tat-tagħmir tar-radju ma tippermettihx, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju.

7.   Il-manifatturi, fuq it-tagħmir tar-radju, għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, fejn id-daqs jew in-natura tat-tagħmir tar-radju ma jkunx jippermetti, fuq l-imballaġġ tiegħu, jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. L-indirizz għandu jindika punt wieħed fejn jista' jiġi kuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

8.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li t-tagħmir tar-radju ikun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru kkonċernat. L-istruzzjonijiet għandhom jinkludu l-informazzjoni meħtieġa għall-użu tat-tagħmir tar-radju skont l-użu intiż tiegħu. Din l-informazzjoni għandha tinkludi, fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu lit-tagħmir tar-radju jopera kif intiż. Tali istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà, kif ukoll kull tip ta' tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u intelliġibbli.

Għandha tingħata wkoll l-informazzjoni li ġejja f'każ ta' tagħmir tar-radju li intenzjonalment jibgħat mewġ tar-radju:

(a)

il-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju;

(b)

il-potenza massima tal-frekwenza tar-radju trażmessa fil-medda/meded tal-frekwenza li jaħdem fihom it-tagħmir tar-radju.

9.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull element tat-tagħmir tar-radju tkun akkumpanjata minn kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE jew minn dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ssimplifikata. Meta tingħata dikjarazzjoni tal-UE ssimplifikata, din għandu jkollha l-e-Mail eżatt fejn ikun jista' jinkiseb it-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE sħiħa.

10.   F'każijiet ta' restrizzjonijiet ta' tqiegħed fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu, l-informazzjoni disponibbli fuq l-imballaġġ għandha tippermetti l-identifikazzjoni tal-Istati Membri jew iż-żona ġeografika fi Stat Membru fejn hemm restrizzjonijiet ta' tqegħid fis-servizz jew ta' rekwiżiti għal awtorizzazzjoni tal-użu. Din l-informazzjoni għandha tiġi kompluta fl-istruzzjonijiet li jakkumpanjaw it-tagħmir tar-radju. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jispeċifikaw kif tiġi ppreżentata dik l-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 45(2).

11.   Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda u dwar ir-riżultati tagħhom.

12.   Il-manifatturi għandhom, wara talba raġunata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma elettronika jew bil-miktub biex juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 11

Rappreżentanti awtorizzati

1.   Manifattur, permezz ta' mandat bil-miktub, jista' jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u l-obbligu tat-tfassil tad-dokumentazzjoni teknika stipulata fl-Artikolu 10(3) ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat mogħti lilu mill-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat biex jagħmel mill-inqas dan li ġej:

(a)

iżomm id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq.

(b)

wara talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tiġi ppruvata l-konformità tat-tagħmir tar-radju;

(c)

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati minn tagħmir tar-radju kopert mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

Artikolu 12

Obbligi tal-importaturi

1.   L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss dak it-tagħmir tar-radju li jkun konformi.

2.   Qabel ma jqiegħdu tagħmir tar-radju fis-suq, l-importaturi għandhom jiżguraw li tkun saret il-proċedura xierqa tal-valutazzjoni tal-konformità mill-manifattur msemmija fl-Artikolu 7 u li t-tagħmir tar-radju ikun mibni b'mod li jista' jkun operat f'tal-inqas Stat Membru wieħed mingħajr ma jikser ir-rekwiżiti applikabbli dwar l-użu tal-ispettru tar-radju. Għandhom jiżguraw li l-manifattur ikun fassal id-dokumentazzjoni teknika, li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE u li jkun akkumpanjat mill-informazzjoni u d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 10(8), (9) u (10), u li l-manifattur ikun ikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 10(6) u (7).

Meta importatur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux iqiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.   Il-manifatturi għandhom, fuq it-tagħmir tar-radju, jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja t-tagħmir tar-radju. Dan jinkludi każijiet fejn id-daqs tat-tagħmir tar-radju ma jippermettihiex, jew fejn l-importaturi jkollhom jiftħu l-imballaġġ sabiex jindikaw isimhom u l-indirizz tagħhom fuq it-tagħmir tar-radju. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti finali u mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

4.   L-importaturi għandhom jassiguraw li t-tagħmir tar-radju jkun akkumpanjat minn istruzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà provduti b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, skont kif jiġi determinat mill-Istat Membru konċernat.

5.   L-importaturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li t-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3.

6.   Meta jitqies meħtieġ fir-rigward tar-riskji preżentati mit-tagħmir tar-radju, l-importaturi, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtàtal-utenti finali, għandhom jagħmlu testijiet kampjunarji tat-tagħmir tar-radju magħmul disponibbli fis-suq, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, tat-tagħmir tar-radju mhux konformi u ta' teħid lura tat-tagħmir tar-radju, u għandhom iżommu lid-distributuri infurmati dwar kull monitoraġġ ta' dan it-tip.

7.   L-importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li t-tagħmir elettriku li jkunu qiegħdu fis-suq mhuwiex konformi ma' din id-Direttiva għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak t-tagħmir elettriku jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kwalunkwe miżuri korrettivi meħuda.

8.   L-importaturi għandhom, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju ikun tqiegħed fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, jekk jitolbuha.

9.   L-importaturi għandhom, wara talba motivata minn awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tal-prodott, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 13

Obbligi tal-distributuri

1.   Meta jagħmlu it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b'rabta mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2.   Qabel ma jagħmlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li t-tagħmir tar-radju jkollu l-marka CE, li jkun akkumpanjat mid-dokumenti mitluba minn din id-Direttiva kif ukoll minn struzzjonijiet u informazzjoni dwar is-sigurtà f'lingwa li tista' tiftiehem faċilment mill-konsumanturi u minn utenti finali oħra fl-Istat Membru li fih it-tagħmir tar-radju se jkun disponibbli fis-suq, u li l-manifattur u l-importatur ikunu osservaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 10(2) u (6) sa (10) u l-Artikolu 12(3) rispettivament.

Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, dan ma għandux jagħmel it-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq dwar dan.

3.   Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li it-tagħmir tar-radju ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3.

4.   Id-distributuri li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li t-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq ma jkunx konformi ma' din id-Direttiva għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn it-tagħmir tar-radju jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw b'dan minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri fejn huma jkunu għamlu t-tagħmir tar-radju disponibbli fis-suq, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas ta' konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.

5.   Id-distributuri għandhom, wara talba motivata mill-awtorità kompetenti nazzjonali, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja f'forma bil-miktub jew elettronika biex juru l-konformità tat-tagħmir elettriku. Dawn għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, wara talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mit-tagħmir tar-radju li huma jkunu għamlu disponibbli fis-suq.

Artikolu 14

Każijiet meta l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jkun suġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 10, meta jkun qiegħed it-tagħmir tar-radju fis-suq taħt ismu jew il-marka kummerċjali tiegħu, jew jimmodifika t-it-tagħmir tar-radju li diġà jkun tqiegħed fis-suq b'tali mod li jista' jaffettwa l-konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 15

L-identifikazzjoni ta' operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi għandhom, wara li ssir talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq:

(a)

kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdihom bit-tagħmir tar-radju;

(b)

kull operatur ekonomiku li lilu jkunu pprovdew it-tagħmir tar-radju.

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għal 10 snin wara li jkunu ġew fornuti bit-tagħmir tar-radju u għal 10 snin wara li jkunu fornew it-tagħmir tar-radju.

KAPITOLU III

KONFORMITÀ TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU

Artikolu 16

Presunzjoni ta' konformità tat-tagħmir tar-radju

Tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun preżunt li hu f'konformità mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 17

Proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità

1.   Il-manifatturi għandhom iwettqu valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju bl-għan li jintlaħqu r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkunsidra l-kundizzjonijiet operattivi maħsuba u, għar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), il-valutazzjoni għandha wkoll tikkunsidra l-kundizzjonijiet raġonevolment prevedibbli. Meta t-tagħmir tar-radju jkun kapaċi jieħu konfigurazzjonijiet differenti, il-valutazzjoni tal-konformità għandha tikkonferma jekk it-tagħmir tar-radju jilħaqx ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-konfigurazzjonijiet possibbli kollha.

2.   Il-manifatturi għandhom juru l-konformità tat-tagħmir tar-radju bir-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3(1) permezz ta' kwalunwke waħda mill-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità li ġejjin:

(a)

kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;

(b)

eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(c)

konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

3.   Fejn il-manifattur, fil-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3(2) u (3), ikun applika standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu juża kwalunkwe waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a)

kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fl-Anness II;

(b)

eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(c)

konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

4.   Fejn il-manifattur, huwa u jevalwa l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikoli 3(2) u (3), ma jkunx applika jew ikun applika biss parzjalment standards armonizzati li r- referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jew meta ma jkunx hemm tali standards armonizzati, it-tagħmir tar-radju għandu jiġi sottomess b'kunsiderazzjoni għal dawk ir-rekwiżiti essenzjali, għal waħda minn dawn il-proċeduri li ġejjin:

(a)

eżami tat-tip tal-UE li jkun segwit mill-proċedura tal-konformità tat-tip abbażi ta' kontroll intern tal-produzzjoni stipulata fl-Anness III;.

(b)

konformità bbażata fuq assigurazzjoni tal-kwalità sħiħa stipulata fl-Anness IV.

Artikolu 18

Dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

1.   Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandha tiddikjara li ntwera li r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 ġew issodisfati.

2.   Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura stabbilita fl-Anness VI, għandha tinkludi l-elementi speċifikati f'dak l-Anness u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jitqiegħed jew jiġi magħmul disponibbli t-tagħmir tar-radju.

Id-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandu jkun fiha l-elementi stipulati fl-Anness VII u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq -radju. It-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkun disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE f'lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn it-tagħmir tar-radju jitqiegħed jew isir disponibbli fis-suq.

3.   Fejn tagħmir tar-radju jkun suġġett għal aktar minn liġi waħda tal-Unjoni li teżiġi d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta' konformità waħda tal-UE fir-rigward ta' tali atti tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.

4.   Meta jagħmel id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi r-responsabbiltà għall-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva.

Artikolu 19

Prinċipji ġenerali tal-marka CE

1.   Il-marka CE għandha tkun suġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

2.   Minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju, l-għoli tal-marka CE mwaħħla mat-tagħmir tar-radju għandha tkun inqas minn 5 mm, bil-kundizzjoni li tibqa' viżibbli u leġibbli.

Artikolu 20

Regoli u kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka CE u n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat

1.   Il-marka CE għandha titwaħħal mat-tagħmir tar-radju jew mal-pjanċa tad-data tiegħu b'mod viżibbli, leġibbli u b'tali mod li ma tkunx tista' titħassar, ħlief jekk dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba n-natura tat-tagħmir tar-radju. Il-marka CE għandha titwaħħal ukoll mal-imballaġġ b'mod viżibbli u leġibbli.

2.   Il-marka CE għandha titwaħħal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq.

3.   Il-marka CE għandu jkollha warajha n-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat meta tiġi applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stipulata fl-Anness IV.

In-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jkollu l-istess għoli bħall-marka CE.

In-numru ta' identifikazzjoni tal-korp notifikat għandu jitwaħħal mill-korp notifikat innifsu jew fuq istruzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

4.   L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tas-sistema li tirregola l-marka CE u għandhom jieħdu azzjoni xierqa fil-każ ta' użu mhux korrett ta' dik il-marka.

Artikolu 21

Dokumentazzjoni teknika

1.   Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha d-data jew id-dettalji relevanti kollha tal-mezzi użati mill-manifattur biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3. Din għandha mill-inqas tinkludi l-elementi stipulati fl-Anness V.

2.   Id-dokumentazzjoni teknika għandha titfassal qabel ma t-tagħmir tar-radju jitqiegħed fis-suq u għandha tiġi aġġornata kontinwament.

3.   Id-dokumentazzjoni teknika u l-korrispondenza marbuta ma' xi proċedura ta' eżami tat-tip tal-UE għandhom jitfasslu f'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-korp notifikat ikun stabbilit jew f'lingwa aċċettabbli għall-korp.

4.   Meta d-dokumentazzjoni teknika ma tikkonformax mal-paragrafi 1, 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu, u b'hekk ma tippreżentax biżżejjed data relevanti jew mezzi użati biex tiġi żgurata l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista' titlob lill-manifattur jew l-importatur biex isir test minn korp aċċettabbli għall-awtorità tas-sorveljanza tas-suq bi spejjeż tal-manifattur jew tal-importatur fi żmien speċifikat sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3.

KAPITOLU IV

NOTIFIKA TA' KORPI TA' VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

Artikolu 22

Notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'korpi awtorizzati sabiex iwettqu l-kompiti tal-evalwazzjoni tal-konformità tal-parti terza skont din id-Direttiva.

Artikolu 23

Awtoritajiet notifikanti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-evalwazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi notifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28.

2.   l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u f'konformità miegħu.

3.   Fejn l-awtorità notifikanti tiddelega jew b'mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24. Addizzjonalment, tali korp għandu jkollu arranġamenti biex jagħmel tajjeb għar-reponsabbiltajiet derivati mill-attivitajiet tiegħu..

4.   L-awtorità notifikanti għandha tieħu r-responsabbiltà sħiħa tal-ħidmiet imwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 24

Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet notifikanti

1.   L-awtorità notifikanti għandha tkun stabbilita b'mod li ma jseħħ l-ebda konflitt ta' interess ma' korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.

2.   L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u titmexxa b'mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

3.   L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b'tali mod li kull deċiżjoni marbuta man-notifika tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu wettqu l-valutazzjoni.

4.   L-awtorità notifikanti ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attivitajiet li jitwettqu minn korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta' konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva.

5.   L-awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba.

6.   L-awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta' persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex jitwettqu korrettament il-kompiti tagħha.

Artikolu 25

Obbligu ta' informazzjoni fuq l-awtoritajiet notifikanti

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta' korpi notifikati, u dwar kull tibdil li jkun hemm f'dan il-qasam.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 26

Rekwiżiti marbuta mal-korpi notifikati

1.   Għall-finijiet tan-notifika, kull korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 11.

2.   Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.

3.   Korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta' parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni jew mit-tagħmir tar-radju li jivvaluta.

Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, manifattura, provvista, assemblaġġ, użu jew manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huwa jivvaluta jista', bil-kundizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta' kull kunflitt ta' interess jiġu murija, jitqies bħala tali korp.

4.   Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak li jagħmel il-manutenzjoni tat-tagħmir tar-radju li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jeskludi l-użu tat-tagħmir tar-radju vvalutat li hu meħtieġ għall-operazzjonijiet tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta' tagħmir tar-radju bħal dan għal skopijiet personali.

Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità, il-maniġment superjuri tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta' dak it-tagħmir tar-radju, jew jirrappreżentaw lill-partijiet involuti f'dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista' toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu notifikati. Dan japplika b'mod partikolari għas-servizzi ta' konsulenza.

Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom.

5.   Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta' integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjonijiet, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet.

6.   Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha ta' valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Annessi III u IV u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess ta' valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F'kull żmien u għal kull proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta' tagħmir tar-radju li fir-rigward tiegħu jkun ġie notifikat, il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu n-neċessitajiet li ġejjin:

(a)

persunal b'għarfien tekniku u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b)

deskrizzjonijiet ta' proċeduri li f'konformità magħhom tiġi mwettqa l-valutazzjoni tal-konformità, li jkunu jiżguraw it-trasparenza u l-kapaċità tar-riproduzzjoni ta' dawk il-proċeduri. Dan għandu jkollu l-politiki u l-proċeduri xierqa fis-seħħ li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp notifikat u attivitajiet oħra;

(c)

proċeduri għat-twettiq tal-attivitajiet li jqisu b'mod debitu d-daqs tal-impriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju kkonċernata u n-natura ta' massa jew ta' serje tal-proċess ta' produzzjoni.

Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex ilesti x-xogħol tekniku u amministrattiv marbut mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b'mod xieraq.

7.   Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a)

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta' valutazzjoni tal-konformità li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b)

għarfien sodisfaċenti dwar ir-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet imwettqa minnu u awtorità adegwata biex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

(c)

għarfien adegwat u apprezzament tar-rekwiżiti essenzjali, stipulati fl-Artikolu 3, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonjiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(d)

il-kapaċità li jħejji ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità, reġistri u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

8.   Għandha tkun garantita l-imparzjalità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità.

Ir-remunerazzjoni tal-maniġment fl-ogħla livell u l-persunal responsabbli għat-twettiq tal-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddipendi min-numru ta' valutazzjonijiet imwettqa, u lanqas mir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet.

9.   Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jipprovdi għal polza ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà sakemm l-Istat ma jassumix ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

10.   Il-persunal ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun fid-dmir li josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt l-Annessi III u IV jew skont kwalunkwe dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali li jagħtuhom effett, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tal-korp. Id-drittijiet proprjetarji ikunu protetti.

11.   Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf bl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti, l-attivitajiet regolatorji fil-qasam tat-tagħmir tar-radju u tal-ippjanar tal-frekwenzi, u l-attivitajiet tal-grupp ta' koordinazzjoni tal-korp notifikat stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni rilevanti u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta' dak il-grupp.

Artikolu 27

Preżunzjoni tal-konformità tal-korpi notifikati

Fejn korp ta' valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 28

Sussidjarji u sottokuntrattar ta' korpi notifikati

1.   Meta korp notifikat jagħti b'sottokuntratt xogħlijiet speċifiċi li jkollhom x'jaqsmu mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26 u għandhu jinforma lill-awtorità tan-notifiki dwar dan.

2.   Il-korpi notifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà kollha tal-kompiti li jkunu twettqu mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji kull fejn dawn ikunu stabbiliti.

3.   L-attivitajiet jistgħu jingħataw b'sottokuntratt jew esegwiti minn sussidjarju biss bi ftehim mal-klijent.

4.   Il-korp notifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattar jew tas-sussidjarju u tax-xogħol li jkun sar minnhom skont l-Annessi III u IV.

Artikolu 29

Applikazzjoni għal notifika

1.   Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

2.   L-applikazzjoni għal notifika għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju li għalihom dak il-korp jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll b'ċertifikat ta' akkreditazzjoni, jekk ikun hemm, maħruġ minn korp nazzjonali ta' akkreditazzjoni li jafferma li l-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

3.   Jekk il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta' akkreditament, dan għandu jipprovdi lill-awtorità notifikanti l-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

Artikolu 30

Proċedura tan-notifika

1.   L-awtoritajiet notifikanti jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

2.   Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bl-użu tal-mezz elettroniku ta' notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

3.   In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tar-radju inkwistjoni u l-attestament ta' livell ta' kompetenza rilevanti.

4.   Fejn notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta' akkreditament kif imsemmi fl-Artikolu 29(2), l-awtorità notifikanti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-prova dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità u l-arranġamenti stabbiliti biex ikun żgurat li l-korp jiġi sorveljat regolarment u li jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26.

5.   Il-korp ikkonċernat jista' jwettaq l-attivitajiet ta' korp notifikat biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħra fi żmien ġimagħtejn min-notifika fejn ikun intuża ċertifikat ta' akkreditament jew fi żmien xahrejn min-notifika meta ma jkunx intuża akkreditament.

Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp notifikat għall-finijiet ta' din id-Direttiva.

6.   L-awtorità notifikanti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar kull tibdil rilevanti sussegwenti fin-notifika.

Artikolu 30

Numri tal-identifikazzjoni u listi ta' korpi notifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tassenja numru tal-identifikazzjoni lil korp notifikat.

Din għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fejn il-korp ikun notifikat skont diversi atti tal-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha toħroġ għall-pubbliku l-lista ta' korpi notifikati skont din id-Direttiva, inklużi n-numri tal-identifikazzjoni li ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ġew notifikati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 32

Tibdil fin-notifiki

1.   Fejn awtorità notifikanti taċċerta ruħha jew tkun informata li korp notifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità notifikanti għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun serju n-nuqqas fir-rigward ta' dawk ir-rekwiżiti jew dawk l-obbligi. Din għandha minnufih tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

2.   Fik-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp notifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta' dak il-korp jiġu pproċessati minn korp notifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità notifikanti u għall-awtorità ta' sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, suġġetti għat-talba tagħhom.

Artikolu 33

Kontestazzjoni tal-kompetenza tal-korpi notifikati

1.   Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, jew issir taf b'dubju, rigward il-kompetenza ta' korp notifikat jew l-issoktar tal-osservanza ta' korp notifikat mar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun suġġett.

2.   L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, wara talba, l-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew il-manutenzjoni tal-kompetenza tal-korp notifikat ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha sensittiva miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tinżamm kunfidenzjali.

4.   Meta l-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp notifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, din għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jitlob lill-Istat Membru notifikanti sabiex jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż l-irtirar tan-notifika jekk ikun meħtieġ.

Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 45(2).

Artikolu 34

Obbligi operattivi tal-korpi notifikati

1.   Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet tal-konformità skont il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Annessi III u IV.

2.   Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom jitwettqu b'mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs tal-impriża, is-settur li fiha hija topera, l-istruttura tagħha, il-livell ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju ikkonċernat u tan-natura massiva jew serjali tal-proċess ta' produzzjoni.

Meta jkunu qed jagħmlu hekk huma għandhom madanakollu jirrispettaw il-grad ta' rigorożità u l-livell ta' protezzjoni meħtieġa għall-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' din id-Direttiva.

3.   Fejn korp notifikat isib li ma ġewx issodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3 jew l-istandards armonizzati korrispondenti jew speċifikazzjonijiet tekniċi oħra mill-manifattur, huwa għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi xierqa u ma għandu joħroġ ebda ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità.

4.   Fejn, waqt li jkun qiegħed isir monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta' ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, korp notifikat isib li t-tagħmir tar-radju ma jkunx għadu konformi, il-korp notifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità jekk ikun meħtieġ.

5.   Fejn ma jitteħdux miżuri korrettivi jew ma jkollhomx l-effett mixtieq, il-korp notifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, skont il-każ.

Artikolu 35

Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi notifikati

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm disponibbli proċedura ta' appell kontra d-deċiżjonijiet tal-korpi notifikati.

Artikolu 36

Obbligi ta' informazzjoni dwar korpi notifikati

1.   Il-korpi notifikati għandhom jinformaw lill-awtorità notifikanti dwar dan li ġej:

(a)

kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta' ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni ta' sistema ta' kwalità skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV;

(b)

kull ċirkustanza li jkollha effett fuq lil-kamp ta' applikazzjoni jew il-kundizzjonijiet għan-notifika;

(c)

kull talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità;

(d)

fuq talba, l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li twettqu fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.

2.   Il-korpi notifikati għandhom skont ir-rekwiżiti tal-Annessi III u IV jipprovdu lill-korpi l-oħra notifikati skont din id-Direttiva li jkunu qed iwettqu attivitajiet simili ta' valutazzjoni tal-konformità u li jkunu jkopru l-istess kategoriji tat-tagħmir tar-radju, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati negattivi ta' valutazzjoni tal-konformità u, fuq talba, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati pożittivi.

3.   Il-korpi notifikati għandhom jissodisfaw l-obbligi tal-informazzjoni skont l-Annessi III u IV.

Artikolu 37

Skambju ta' esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi sabiex jiġi organizzat l-iskambju ta' esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-politika dwar in-notifika.

Artikolu 38

Koordinazzjoni ta' korpi notifikati

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni adegwati bejn il-korpi notifikati skont din id-Direttiva u li dawn jiġu operati korrettament f'forma ta' grupp settorjali ta' korpi notifikati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi notifikati minnhom jieħdu sehem fix-xogħol ta' dak il-grupp b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti nominati.

KAPITOLU V

SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI, KONTROLL TAT-TAGĦMIR TAR-RADJU LI JIDĦOL FIS-SUQ TAL-UNJONI U PROĊEDURA TA' SALVAGWARDJA TAL-UNJONI

Artikolu 39

Sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u kontroll tat-tagħmir tar-radju li jidħol fis-suq tal-Unjoni

L-Artikolu 15(3) u l-Artikoli minn 16 sa 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandhom japplikaw għat-tagħmir tar-radju.

Artikolu 40

Proċeduri dwar it-tagħmir tar-radju li jkun ta' riskju fil-livell nazzjonali

1.   Meta l-awtoritajiet għas-sorveljanza tas-suq ta' Stat Membru jkollhom raġuni biżżejjed biex jemmnu li t-tagħmir tar-radju kopert b'din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà ta' persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti b'din id-Direttiva, dawn għandhom iwettqu valutazzjoni relatata mat-tagħmir tar-radju kkonċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f'din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.

Fejn, tul il-valutazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li t-tagħmir tar-radju ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi kollha xierqa biex it-tagħmir tar-radju jsir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, li jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-entità notifikata rilevanti dwar dan.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.   Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta' konformità ma jkunx limitat għat-territorju nazzjonali, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tal-evalwazzzjoni u bl-azzjonijiet li esiġew li jieħu l-operatur ekonomiku.

3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu konċernat li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.   Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta' żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jillimitaw li t-tagħmir tar-radju isir disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex it-tagħmir tar-radju jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

5.   L-informazzjoni li ssir referenza għaliha fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li mhuwiex konformi, l-oriġini tat-tagħmir tar-radju, it-tip ta' nuqqas ta' konformità allegata u r-riskju involut, it-tip u t-tul ta' żmien ta' kemm se jdumu l-miżuri nazzjonali li ttieħdu u l-argumenti ppreżentati mill-operatur ekonomiku rilevanti. B'mod partikolari, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta' konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

in-nuqqas tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 3; jew

(b)

nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 16 li jikkonferixxu preżunzjoni tal-konformità.

6.   L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu għandhom mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull miżura adottata u dwar kull informazzjoni addizzjonali li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dwar in-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, u, jekk ma jkunx hemm qbil mal-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.   Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni rigward miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi adegwati, bħall-irtirar tat-tagħmir tar-radju mis-suq, fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kkonċernat mingħajr dewmien.

Artikolu 41

Proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni

1.   Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 40(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura nazzjonali meħuda minn Stat Membru jew fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jiddetermina jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.   Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li t-tagħmir tar-radju li ma jkunx konformi jiġi rtirat jew imsejjaħ lura mis-swieq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont il-każ. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru interessat għandu jirtira dik il-miżura.

3.   Fejn il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tat-tagħmir tar-radju jkun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 40(5) ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 42

Tagħmir tar-radju konformi li jippreżenta riskju

1.   Fejn Stat Membru, wara li jkun wettaq valutazzjoni skont l-Artikolu 40(1), isib li, għalkemm it-tagħmir tar-radju jkun konformi ma' din id-Direttiva, ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti minn din id-Direttiva, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li t-tagħmir tar-radju kkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jippreżentax aktar dak ir-riskju, jirtira t-tagħmir tar-radju mis-suq jew jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif hu jistabbilixxi.

2.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tat-tagħmir tar-radju kollu kkonċernat li kien sar disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.

3.   L-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b'mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, l-oriġini u l-katina ta' forniment tat-tagħmir tar-radju, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta' żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu.

4.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le u, fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Għal raġunijiet indispensabbli ġġustifikati ta' urġenza relatati mal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtàtal-persuni, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 45(4).

5.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 43

Nuqqas ta' konformità formali

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 40, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mill-konklużjonijiet li ġejjin, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jwaqqaf in-nuqqas fir-rigward tal-konformità kkonċernata:

(a)

il-marka CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva;

(b)

il-marka CE ma tkunx twaħħlet;

(c)

in-numru tal-identifikazzjoni tal-korp notifikat, meta tkun applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stabbilita fl-Anness IV, ikun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 20 jew ma jkunx twaħħal;

(d)

id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret;

(e)

id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret b'mod korrett;

(f)

id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(g)

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(6) jew (7) jew fl-Artikolu 12(3) hija nieqsa, falza jew mhux kompluta;

(h)

l-informazzjoni dwar l-użu intiż tat-tagħmir tar-radju, id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew ir-restrizzjonijiet fuq l-użu kif stipulati fl-Artikolu 10(8), (9) u (10) ma jakkumpanjawx it-tagħmir tar-radju;

(i)

ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stipulati fl-Artikolu 15 ma jkunux issodisfati;

(j)

l-Artikolu 5 ma jkunx osservat.

2.   Fejn jippersisti n-nuqqas ta' konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tat-tagħmir tar-radju jew li jiżgura li dan jiġi msejjaħ lura jew irtirat.

KAPITOLU VI

ATTI DELEGATI U ATTI TA' IMPLIMENTAZZJONI U L-KUMITAT

Artikolu 44

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mill-11 ta' Ġunju 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 45

Proċedura tal-kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.

5.   Il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni rigward kwalunkwe materja li fir-rigward tagħha tkun meħtieġa konsultazzjoni mal-esperti settorjali mir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 jew minn kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni.

Il-kumitat, barra minn hekk, jista' jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' dan id-Direttiva mqajma mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta' Stat Membru taħt ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U TRANŻIZZJONALI

Artikolu 46

Penalitajiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalijiet applikabbli għall-ksur minn operaturi ekonomiċi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu infurzati. Tali regoli jistgħu jinkludu penalijiet kriminali għall-ksur serju.

Il-penalitajiet stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 47

Analiżi u rappurtaġġ

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapporti regolari lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sat-12 ta' Ġunju 2017 u mbagħad mill-inqas kull sentejn. Ir-rapporti għandu jkun fihom preżentazzjoni tal-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq imwettqa mill-Istati Membri u jagħtiutagħrif dwar jekk inkisbitx il-konformità, u sa liema punt, mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, inkluż partikolarment ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-operazzjoni ta' din id-Direttiva u tirrapporta dwar dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-12 ta' Ġunju 2018 u mbagħad kull ħames snin. Ir-rapport għandu jkopri l-progress dwar it-tħejjija tal-istandards relevanti, kif ukoll kull problemi li jinqalgħu fil-kors tal-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu wkoll jiddeskrivi fil-qosor l-attivitajiet tal-Kumitat tal-Valutazzjoni tal-Konformità u s-Sorveljanza tas-Suq tat-Telekomunikazzjonijiet, jivvaluta l-progress fil-ksib ta' suq miftuħ kompetittiv għat-tagħmir tar-radju f'livell tal-Unjoni u jeżamina kif il-qafas regolatorju għad-disponibbiltà fis-suq u t-tqegħid fis-servizz tat-tagħmir tar-radju għandu jiġi żviluppat biex jinkiseb dan li ġej:

(a)

jiżgura li tinkiseb sistema koerenti f'livell tal-Unjoni għat-tagħmir tar-radju kollu;

(b)

jippermetti l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjoni, awdjoviżivi u tat-teknoloġija tal-informatika;

(c)

jippermetti li l-miżuri regolatorji jiġu armonizzati f'livell internazzjonali.

(d)

jilħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur;

(e)

jiżgura li t-tagħmir tar-radju li jinġarr ikun kompatibbli mal-aċċessorji, partikolarment ċarġers komuni;

(f)

fejn it-tagħmir tar-radju jkun mgħammar bi skrin integrali, jippermetti l-wiri tal-informazzjoni mitluba fuq l-iskrin integrali.

Artikolu 48

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

L-Istati Membri ma għandhomx jimpedixxu, għall-aspetti koperti minn din id-Direttiva, id-dispobibbiltà fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta' tagħmir tar-radju kopert minn din id-Direttiva li hija konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti dwar l-armonizzazzjoni applikabbli preċedentement it-13 ta' Ġunju 2016 u li kien tqiegħed fis-suq qabel it-13 ta' Ġunju 2017.

Artikolu 49

Trasponiment

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-12 ta' Ġunju 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-13 ta' Ġunju 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Dawn għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva revokata b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tkun ifformulata dik id-dikjarazzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali fil-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 50

Tħassir

Id-Direttiva 1999/5/KE titħassar b'effett mit-13 ta' Ġunju 2016.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VIII.

Artikolu 51

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 52

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' April 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 133, 9.5.2013, p. 58.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta' April 2014.

(3)  Id-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 1999 dwar l-apparat tar-radju u apparat terminali tat-telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent komuni tal-konformità tagħhom (ĠU L 91, 7.4.1999, p. 10).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(5)  Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(6)  Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta' tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357).

(7)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kumpatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(8)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/63/KE tal-20 ta' Ġunju 2008 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq ta' tagħmir tat-terminals tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 162, 21.6.2008, p. 20).

(9)  Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(10)  Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar il-qafas legali regolatorju għall-politika tal-ispectrum tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1).

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/344/KE tas-16 ta' Mejju 2007 dwar id-disponibbiltà armonizzata tal-informazzjoni dwar l-użu tal-ispektrum fil-Komunità (ĠU L 129, 17.5.2007, p. 67).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(14)  ĠU C 369, 17.12.2011. p. 14.

(15)  Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).


ANNESS I

TAGĦMIR MHUX KOPERT MINN DIN ID-DIRETTIVA

1.

Tagħmir tar-radju użat minn dilettanti tar-radju skont it-tifsira tal-Artikolu 1, definizzjoni 56, tar-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), ħlief jekk it-tagħmir isir disponibbli fis-suq.

Dan li ġej għandu jitqies li mhuwiex disponibbli fis-suq:

(a)

kitts tar-radju għall-assemblaġġ u l-użu mid-dilettanti tar-radju;

(b)

tagħmir tar-radju modifikat minn u għall-użu tad-dilettanti tar-radju;

(c)

tagħmir immuntat minn dilettanti tar-radju individwali għal skopijiet sperimentali u xjentifiċi relatati mas-sistema tar-radju għad-dilettanti.

2.

Tagħmir tal-baħar li jaqa' fil-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva 96/98/KE (1).

3.

Prodotti, parts u apparat ittrasportati bl-ajru li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

4.

Kitts ta' evalwazzjoni mibnija apposta maħsuba għall-professjonisti biex jintużaw biss f'faċilitajiet ta' riċerka u żvilupp għal dawn l-iskopijiet.


(1)  Id-Direttiva 96/98/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 dwar apparat tal-baħar (ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1).


ANNESS II

MODULU A TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

KONTROLL INTERN TAL-PRODUZZJONI

1.   Il-kontroll intern tal-produzzjoni huwa l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4 ta' dan l-Anness, u jiżgura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Artikolu 3.

2.   Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika skont l-Artikolu 21.

3.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta' manifattura u s-sorveljanza tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju mmanifatturat mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta' dan l-Anness u mar-rekwiżiti essenzjali relevanti stipulati fl-Artikolu 3.

4.   Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

4.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva.

4.2.

Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip ta' tagħmir tar-radju u jżommha flimkien mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta' għaxar snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika it-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

5.   Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS III

MODULI B U C TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

EŻAMI TAT-TIP TAL-UE U KONFORMITÀ MAT-TIP IBBAŻATA FUQ IL-KONTROLL INTERN

Meta ssir referenza għal dan l-Anness, il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità għandha ssegwi l-Moduli B (l-eżami tat-tip tal-UE) u C (il-konformità mat-tip ibbażata fuq il-kontroll intern tal-produzzjoni) ta' dan l-Anness.

Modulu B

Eżami tat-tip tal-UE

1.   L-eżami tat-tip tal-UE huwa dik il-parti minn proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li fiha korp notifikat jeżamina d-disinn tekniku ta' tagħmir tar-radju u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3.

2.   L-eżami tat-tip tal-UE għandu jsir bil-valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju permezz ta' eżami tad-dokumentazzjoni teknika u evidenza ta' appoġġ, imsemmija fil-punt 3, mingħajr eżami ta' kampjun (tip tad-disinn).

3.   Il-manifattur għandu jressaq applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE quddiem korp notifikat uniku tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b)

dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp notifikat ieħor;

(c)

id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tar-radjumar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u għandha tinkludi analiżi u stima xierqa tar-riskju jew riskji. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u tkopri sa fejn u sakemm ikun rilevanti għall-istima, id-disinn, il-manifattura u l-ħidma tat-tagħmir tar-radju. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stipulati fl-Anness V,

(d)

l-evidenza ta' appoġġ tal-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Dik l-evidenza ta' appoġġ għandha ssemmi kwalunkwe dokument li jkun intuża, b'mod partikolari fejn l-istandards armonizzati rilevanti ma kinux ġew applikati jew ma kinux ġew applikati fit-totalità tagħhom. L-evidenza ta' appoġġ għandha tinkludi, fejn ikun hemm bżonn, ir-riżultati tat-testijiet li jsiru f'konformità ma' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra mil-laboratorju xieraq tal-manifattur jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

4.   Il-korp notifikat għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta' appoġġ biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tar-radju.

5.   Il-korp innotifikat għandu jfassal rapport tal-valutazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet imwettqa skont il-punt 4 u r-riżultati tagħhom. Bla ħsara għall-obbligi tiegħu fil-punt 8, il-korp notifikat għandu joħroġ il-kontenut ta' dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur.

6.   Fejn it-tip jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għat-tagħmir tar-radju kkonċernat, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Dak iċ-ċertifikat għandu jkun fih l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, l-aspetti tar-rekwiżiti essenzjali koperti mill-eżami, il-kundizzjonijiet (jekk hemm) għall-validità tiegħu u data neċessarja għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jista' jkollu anness wieħed jew iktar mehmuża miegħu.

Iċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip eżaminat tkun tista' tiġi valutata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern.

Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, il-korp notifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma b'dan lill-applikant b'dan, fejn jagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu.

7.   Il-korp notifikat għandu jżomm lilu nnifsu mgħarraf dwar kull bidla fit-teknoloġija l-aktar aġġornata ġeneralment rikonoxxuta, li tindika li t-tip approvat jista' ma jikkonformax aktar mar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva, u għandu jiddetermina jekk tali bidliet ikunux jeħtieġu aktar investigazzjonijiet. Jekk ikun il-każ, il-korp notifikat għandu jinforma l-manifattur b'dan.

Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip UE, bil-modifikazzjonijiet kollha għat-tip approvat li jistgħu jinċidu fuq il-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva jew mal-kundizzjonijiet għall-validità ta' dak iċ-ċertifikat. Tali modifiki għandhom jeħtieġu approvazzjoni addizzjonali fil-forma ta' żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip UE.

8.   Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kwalunkwe żieda għalihom, li jkun ħareġ jew irtira, u perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti tiegħu, il-lista ta' dawn iċ-ċertifikati u/jew kwalunkwe żieda għalihom li ġew miċħuda, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda għalihom, li jkun irrifjuta, irtira, issospenda jew b'xi mod ieħor illimita u, jekk jintalab jagħmel dan, dwar tali ċertifikati u/jew żidiet għalihom li jkun ħareġ.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-Istati Membri biċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE li jkun ħareġ u/jew addizzjonijiet għalihom f'dawk il-każijiet fejn l-istandards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ma ġewx applikati jew ma ġewx applikati bis-sħiħ. L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-korpi notifikati l-oħra jistgħu, wara talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew iż-żidiet tagħhom. Fuq talba, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp notifikat. Il-korp notifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi u l-addizzjonijiet ta' miegħu, kif ukoll il-fajl tekniku inkluża d-dokumentazzjoni ssottomessa mill-manifattur għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun ġie vvalutat jew wara l-iskadenza tal-validità ta' dak iċ-ċertifikat.

9.   Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, l-annessi ta' miegħu u ż-żidiet flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li jkun tqiegħed fis-suq it-tagħmir tar-radju.

10.   Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista' jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jissodisfa l-obbligi imsemmija fil-punti 7 u 9, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

Modulu C

Konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni

1.   Il-konformità għat-tip fuq il-bażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni hija dik il-parti ta' proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 3, u jiżgura, u jiddikjara, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat ikun f'konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva applikabbli għalih.

2.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-proċess ta' manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tat-tagħmir tar-radju manifatturat mat-tip approvat, kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

3.   Il-marka CE u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

3.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 ma' kull element tat-tagħmir tar-radju li jkun f'konformità mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva.

3.2.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull mudell tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Jekk tintalab għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE lill-awtoritajiet rilevanti.

4.   Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 3 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS IV

MODULU H TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

KONFORMITÀ BBAŻATA FUQ ASSIGURAZZJONI SĦIĦA TA' KWALITÀ

1.   Il-konformità bbażata fuq assigurazzjoni sħiħa ta' kwalità hija l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura ruħu u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tar-radju kkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

2.   Il-manifattura

Il-manifattur għandu jħaddem sistema approvata ta' kwalità għad-disinn, għall-manifattura u għall-ispezzjoni tat-tagħmir tar-radju u għall-ittestjar tat-tagħmir tar-radju kkonċernat, kif speċifikat fil-punt 3, u għandu jkun suġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

3.   Is-sistema ta' kwalità

3.1.

Il-manifattur għandu jibgħat applikazzjoni għall-istima tas-sistema ta' kwalità tiegħu lil korp notifikat tal-għażla tiegħu, għat-tagħmir tar-radju ikkonċernat.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, ismu u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b)

id-dokumentazzjoni teknika għal kull tip ta' tagħmir tar-radju maħsub biex jiġi manifatturat. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, l-elementi kollha stabbiliti fl-Anness V;

(c)

id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta' kwalità; u

(d)

dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata lil ebda korp notifikat ieħor.

3.2.

Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jkunu ddokumentati f'manjiera sistematika u bl-ordni fil-għamla ta' politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Dik id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjanijiet, tal-manwali u tar-rekords.

Din għandha, b'mod partikolari, ikun fiha, deskrizzjoni adegwata ta':

(a)

l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-maniġment fir-rigward tad-disinn u l-kwalità tal-prodott;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-disinn, inklużi l-istandards, li jridu jiġu applikati u, meta ma jridux jiġu applikati fis-sħiħ l-istandards armonizzati rilevanti, il-mezzi li jridu jintużaw sabiex jiżguraw li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva li japplikaw għat-tagħmir tar-radju;

(c)

it-tekniki ta' kontroll tad-disinn u ta' verifika tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw meta jiġi mfassal it-tagħmir tar-radju li jappartjenu lit-tip tat-tagħmir tar-radju kopert;

(d)

il-manifattura korrispondenti, it-tekniki ta' kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw;

(e)

l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom isiru qabel, matul u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha jsiru;

(f)

ir-rekords ta' kwalità, bħar-rapporti ta' spezzjonijiet u d-data tat-testijiet, id-data dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-personal konċernat, eċċ.;

(g)

il-mezzi li bihom jiġu mmonitorjati t-twettiq tad-disinn meħtieġ u l-kwalità tal-prodott kif ukoll il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' kwalità.

3.3.

Il-korp notifikat għandu jevalwa s-sistema ta' kwalità sabiex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2.

Huwa għandu jippreżumi l-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema ta' kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard armonizzat rilevanti.

Minbarra l-esperjenza fis-sistemi ta' ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta' verifika għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b'esperjenza bħala assessur, fil-qasam tat-tagħmir tar-radju rilevanti u fit-teknoloġija tat-tagħmir tar-radju konċernata, u konoxxenza tar-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva. Il-verifika għandha tinkludi żjara ta' valutazzjoni fil-post tal-manifattur. It-tim ta' verifika għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1(b) biex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli ta' din id-Direttiva u biex jagħmel l-eżamijiet neċessarji sabiex jiżgura l-konformità tat-tagħmir tar-radju ma' dawn ir-rekwiżiti.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni.

In-notifika għandu jkun fiha l-konklużjonijiet tal-verifika u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

3.4.

Il-manifattur għandu jimpenja ruħu biex jissodisfa l-obbligi li ġejjin mis-sistema ta' kwalità kif approvata u biex iżommha hekk ħalli tibqa' adegwata u effikaċi.

3.5.

Il-manifattur għandu jżomm mgħarraf lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità dwar kull bidla maħsuba fis-sistema tal-kwalità.

Il-korp notifikat għandu jevalwa kull bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta' kwalità modifikata hiex se tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2., jew jekk hemmx bżonn ta' valutazzjoni mill-ġdid.

Dan għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

4.   Is-sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat

4.1.

L-għan tas-sorveljanza huwa li jiżgura li l-manifattur iwettaq kif xieraq l-obbligi li joħorġu mis-sistema ta' kwalità approvata.

4.2.

Il-manifattur għandu, għal finijiet tal-valutazzjoni, jippermetti lill-korp innotifikat aċċess għas-siti tal-fabbrikazzjoni, l-ispezzjoni, it-testijiet u l-ħażna, u għandu jipprovdi t-tagħrif kollu meħtieġ, b'mod partikolari:

(a)

id-dokumentazzjoni tas-sistema ta' kwalità;

(b)

ir-rekords ta' kwalità kif previsti mill-parti tad-disinn tas-sistema ta' kwalità, bħar-riżultati ta' analiżijiet, kalkoli, testijiet eċċ.;

(c)

ir-reġistri tal-kwalità kif stipulati fil-parti tal-manifattura tas-sistema tal-kwalità, bħalma huma r-rapporti tal-ispezzjonijiet, l-informazzjoni dwar il-kalibrazzjoni, ir-rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal, eċċ.

4.3.

Il-korp notifikat għandu għandu jwettaq verifiki sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b' rapport ta' verifika.

4.4.

Barra minn hekk, il-korp notifikat jista' jagħmel żjarat mhux imħabbra minn qabel lill-manifattur. Waqt tali żjarat il-korp notifikat jista', jekk ikun neċessarju, jagħmel testijiet fuq it-tagħmir tar-radju, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta' kwalità tkun qed taħdem sewwa. Dan għandu jipprovdi lill-manifattur b'rapport taż-żjara u, jekk saru xi testijiet, b'rapport tat-test.

5.   Il-marka CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

5.1.

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE skont l-Artikoli 19 u 20 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp notifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru tal-identifikazzjoni ta' dan tal-aħħar għal kull element tat-tagħmir tar-radju li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Artikolu 3.

5.2.

Il-manifattur għandu jħejji dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip tat-tagħmir tar-radju u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni ta' konformità għandha tidentifika t-tip tat-tagħmir tar-radju li għalih tkun tfasslet.

Meta ssir talba għaliha, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-UE ta' konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

6.   Il-manifattur għandu, għal perjodu li jintemm 10 snin wara li t-tagħmir tar-radju jkun tqiegħed fis-suq, iżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(a)

id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3.1;

(b)

id-dokumentazzjoni li tirrigwarda s-sistema tal-kwalità riferita tal-punt 3.1;

(c)

il-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata;

(d)

id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp notifikat li jissemmew fil-punt 3.5, 4.3 u 4.4.

7.   Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta' kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b'xi mod ieħor limitati.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun irrifjuta, issospenda jew irtira, u, jekk jintalab jagħmel dan, bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta' kwalità li jkun ħareġ.

8.   Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3.1 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


ANNESS V

KONTENUTI TAD-DOKUMENTAZZJONI TEKNIKA

Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha, fejn applikabbli, mill-anqas dawn l-elementi:

(a)

deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir tar-radju inkluż:

(i)

ritratti jew tpinġijiet li juru l-karatteristiċi esterni, l-immarkar u t-tqassim intern;

(ii)

il-verżjonijiet tas-softwer jew il-firmware li jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali;

(iii)

l-informazzjoni dwar l-utenti u l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni;

(b)

id-disinn kunċettwali u disinni tal-manifattura u skemi tal-komponenti, sottomontaturi, ċirkuwiti, u elementi simili rilevanti oħra;

(c)

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa biex ikunu mifhuma dawk it-tpinġijiet u l-iskemi u t-tħaddim tat-tagħmir tar-radju;

(d)

elenku tal-standards armonizzati applikati b'mod sħiħ jew parzjali, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u, fejn dawk l-istandards armonizzati ma ġewx applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 3, inkluża lista ta' speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. F'każ ta' standards armonizzati li jkunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f'liema partijiet ġew applikati;

(e)

kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE;

(f)

meta jkun ġie applikat il-modulu tal-valutazzjoni tal-konformità fl-Anness III, kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu kif imwassla mill-korp notifikat inovlut.

(g)

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li jkunu saru, l-eżamijiet li twettqu, u elementi simili rilevanti oħra;

(h)

rapporti ta' testijiet;

(i)

Spjegazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tal-Artikolu 10(2) u tal-inklużjoni jew le tal-informazzjoni dwar l-imballaġġ skont l-Artikolu 10(10).


ANNESS VI

DIKJARAZZJONI TA' KONFORMITÀ TAL-UE (NRU XXXX) (1)

1.

It-tagħmir tar-radju (numru tal-prodott, tal-lott, tat-tip jew tas-serje):

2.

L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu:

3.

Din id-dikjarazzjoni tal-konformità tinħareg taħt ir-responsabbiltà unika tal-manifattur.

4.

L-għan tad-dikjarazzjoni (l-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju li tippermetti t-traċċabbiltà; din tista' tinkludi immaġini bil-kulur ta' ċarezza suffiċjenti meta tkun meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tar-radju):

5.

L-għan tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq huwa konformi mal-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni rilevanti tal-Unjon:

 

Id-Direttiva 2014/53/UE

 

Leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni oħra tal-Unjoni meta tkun applikabbli

6.

Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti li ntużaw, jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li skonthom qed tiġi ddikjarata l-konformità: Ir-referenzi jridu jiġu elenkati bin-numru tal-identifikazzjoni u l-verżjoni tagħhom u, fejn applikabbli, id-data tal-ħruġ:

7.

Meta applikabbli, il-korp notifikat … (l-isem, in-numru) … wettaq… (deskrizzjoni tal-intervent) … u ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE: …

8.

Fejn applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u il-komponenti, inkluż is-softwer, li jippermettu t-tagħmir tar-radju jopera kif intiż u koperti mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE:

9.

Informazzjoni addizzjonali:

 

Iffirmat għal u f'isem: …

 

(post u data tal-ħruġ):

 

(isem, funzjoni) (firma):


(1)  Il-manifattur għandu l-fakoltà li jassenja numru għad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.


ANNESS VII

DIKJARAZZJONI SSIMPLIFIKATA TA' KONFORMITÀ TAL-UE

Id-dikjarazzjoni ssimplifikata tal-konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 10(9) għandha tiġi prevista kif ġej:

 

B'dan, [Isem il-manifattur], niddikjara li dan it-tip ta' tagħmir tar-radju [deskrizzjoni tat-tip ta' tagħmir ta' radju] huwa konformi mad-Direttiva 2014/53/UE.

 

It-test kollu tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE huwa disponibbli f'dan l-indirizz tal-Internet li ġej:


ANNESS VIII

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Id-Direttiva 1999/5/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3 (1) u (2)

Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 3(3) u l-Artikolu 15a

L-Artikolu 3(3), bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 3(3)(i), u l-Artikolu 44

Artikolu 4(1) u l-Artikoli 13 sa 15

Artikoli 8 u 45

Artikolu 4(2)

Artikolu 5(1)

Artikolu 16

Artikolu 5(2) u (3)

L-Artikolu 6(1)

Artikolu 6

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(3)

Artikoli 10(8), (9), (10)

Artikolu 6(4)

Artikolu 7(1), 7(2)

Artikolu 7

Artikoli 7(3), (4) u (5)

Artikolu 8(1) u (2)

Artikolu 9

Artikolu 8(3)

Artikolu 9

Artikoli 39 sa 43

Artikolu 10

Artikolu 17

Artikolu 11

Artikoli 22 sa 38

Artikolu 12

Artikoli 19 u 20 u Artikolu 10(6) u (7)

Artikolu 16

Artikolu 17

Artikolu 47

Artikolu 18

Artikolu 48

Artikolu 19

Artikolu 49

Artikolu 20

Artikolu 50

Artikolu 21

Artikolu 51

Artikolu 22

Artikolu 52

Anness I

Anness I

Anness II

Anness II

Anness III

Anness IV

Anness III

Anness V

Anness IV

Anness VI

Artikolu 26

Anness VII(1) sa (4)

Artikoli 19 u 20

Anness VII(5)

L-Artikolu 10(10)


DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala “kumitati ta' komitoloġija” fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.