ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2014.084.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 84

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
20 ta' Marzu 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 248/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) Nru 249/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġeorġja u Sjerra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001

4

 

*

Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE

6

 

*

Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91

14

 

*

Regolament (UE) Nru 252/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni u s-setgħat delegati li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni

35

 

*

Regolament (UE) Nru 253/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bil-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda ( 1 )

38

 

*

Regolament (UE) Nru 254/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-2020 u li jħassar id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE

42

 

*

Regolament (UE) Nru 255/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija, fir-rigward tas-setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni

57

 

*

Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

61

 

*

Regolament (UE) Nru 257/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 fir-rigward tal-inklużjoni tal-Groenlandja fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

69

 

 

DIRETTIVI

 

*

Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern ( 1 )

72

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 136/2014/UE tal-20 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi regoli u proċeduri biex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

99

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


REGOLAMENT (UE) Nru 248/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 260/2012 fir-rigward tal-migrazzjoni lejn trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti mal-Unjoni kollha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Flimkien mar-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jikkostitwixxi element importanti fit-tlestija ta’ żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA), fejn ma għandha ssir l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transfruntieri u pagamenti nazzjonali bl-euro. L-għan ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 huwa l-migrazzjoni minn skemi nazzjonali ta’ trasferiment ta’ kreditu u ta’ debiti diretti għal skemi armonizzati ta’ trasferimenti ta’ kreditu tas-SEPA (SCT) u ta’ debiti diretti tas-SEPA (SDD), fost l-oħrajn billi ċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu pprovduti b’numru tal-kont bankarju internazzjonali (IBAN) uniku li jista’ jintuża għas-SCT u SDD kollha denominati f’euro.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 ipprovda għal migrazzjoni lejn is-SEPA li għandha ssir sal-1 ta’ Frar 2014 sabiex tippermetti lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti u lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament biżżejjed żmien biex jaddattaw il-proċessi tagħhom għar-rekwiżiti tekniċi involuti għall-migrazzjoni lejn SCT u SDD.

(3)

Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew mmonitorjaw mill-qrib il-progress tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Saru bosta laqgħat mal-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-parteċipanti fis-suq. Il-Bank Ċentrali Ewropew ippubblika b’mod regolari rapporti ta’ progress dwar il-migrazzjoni lejn is-SEPA fuq il-bażi ta’ data ta’ pagamenti miġbura mill-banek ċentrali nazzjonali. Dawn ir-rapporti jindikaw li għadd ta’ Stati Membri fiż-żona tal-euro huma fit-triq it-tajba b’rati ta’ migrazzjoni għal SCT attwalment qrib il-100 %. Il-maġġoranza l-kbira tal-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti rrappurtaw li huma diġà konformi mas-SEPA. Madankollu, f’diversi Stati Membri oħra, ir-rati ta’ migrazzjoni għadhom lura mill-aspettattivi. Dan huwa l-każ partikolarment għall-SDD.

(4)

Fl-14 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill tal-ECOFIN fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq għal darb’ oħra dwar l-importanza tal-migrazzjoni lejn is-SEPA. Ġie nnutat li l-migrazzjoni lejn is-SEPA kien għad fadlilha biex tkun kompluta u li jkun meħtieġ li jsiru sforzi mmedjati mill-parteċipanti kollha fis-suq sabiex il-migrazzjoni lejn SEPA titlesta fil-ħin. Ġie adottat pjan ta’ azzjoni li fih negozjanti, korporattivi, SMEs u amministrazzjonijiet pubbliċi ġew mistiedna biex minnufih jieħdu l-passi konkreti interni meħtieġa sabiex jaddattaw il-proċessi tagħhom u jinfurmaw lill-klijenti tagħhom bid-dettalji tal-IBAN.

(5)

Minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Bank Ċentrali Ewropew, l-Istati Membri, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali tagħhom u l-parteċipanti tas-suq matul ix-xhur reċenti, l-aħħar statistika tal-migrazzjoni turi li r-rata ta’ migrazzjoni globali fiż-żona tal-euro lejn SCT, żdiedet biss minn 40 % f’Ġunju 2013 għal madwar 64 % f’Novembru 2013, filwaqt li r-rata ta’ migrazzjoni globali lejn SDD laħqet biss 26 %. Filwaqt li ċifri nazzjonali juru progress tajjeb f’bosta Stati Membri, għad hemm grupp sinifikanti ta’ Stati Membri li għadhom lura b’mod konsiderevoli mir-rati ta’ migrazzjoni mistennija. Huwa għalhekk improbabbli ħafna li l-parteċipanti kollha tas-suq se jkunu konformi mas-SEPA sal-1 ta’ Frar 2014.

(6)

Mill-1 ta’ Frar 2014, il-banek u l-fornituri oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti se jkollhom jirrifjutaw li jipproċessaw trasferimenti ta’ kreditu jew debiti diretti li mhumiex konformi mas-SEPA minħabba l-obbligi ġuridiċi tagħhom, għalkemm, hekk kif attwalment huwa diġà l-każ, huma teknikament jistgħu jipproċessaw dawn il-pagamenti billi jkomplu jużaw skemi ta’ pagamenti antiki eżistenti flimkien ma’ SCT u SDD. Fin-nuqqas ta’ migrazzjoni sħiħa lejn SCT u SDD, ma jistax għalhekk jiġi eskluż dewmien f’dawn il-pagamenti. L-utenti kollha ta’ servizzi ta’ ħlas, u partikolarment l-SMEs u l-konsumaturi, jistgħu jkunu affettwati.

(7)

Huwa essenzjali li jiġi evitat tfixkil żejjed ta’ pagamenti li jirriżulta mill-fatt li l-migrazzjoni lejn is-SEPA ma tkunx kompletament lesta sal-1 ta’ Frar 2014. Fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti għandhom għalhekk ikunu permessi, għal perjodu ta’ żmien limitat, biex ikomplu l-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti permezz tal-iskemi ta’ legat tagħhom, flimkien mal-iskemi tagħhom ta’ SCT u SDD, kif qed jagħmlu attwalment. Għalhekk għandu jiġi introdott perjodu tranżitorju li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ tali pproċessar parallel ta’ pagamenti f’formati differenti. Meta jitqiesu ċ-ċifri attwali tal-migrazzjoni u r-ritmu mistenni tal-migrazzjoni, perjodu ta’ tranżizzjoni addizzjonali ta’ darba ta’ sitt xhur huwa meqjus xieraq. Tali anterjorità tas-sistemi ta’ legat mhux konformi mas-SEPA għandha titqies bħala miżura eċċezzjonali u għalhekk għandha tinżamm qasira kemm jista’ jkun, billi tenħtieġ migrazzjoni rapida u komprensiva sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha ta’ suq integrat tal-pagamenti. Huwa importanti wkoll li l-kostijiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti jkunu limitati fiż-żmien għal użu kontinwu tal-iskemi tal-pagament ta’ legat b’mod parallel mas-sistema SEPA. Fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li diġà wettqu l-migrazzjoni sħiħa lejn is-SEPA jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu lill-utenti ta’ servizzi ta’ pagament li għadhom ma emigrawx, servizzi ta’ konverżjoni matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Matul il-perjodu tranżitorju, l-Istati Membri għandhom iżommu lura milli japplikaw penalitajiet għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti li jipproċessaw pagamenti mhux konformi u għall-utenti tas-servizzi ta’ pagamenti li għadhom ma emigrawx.

(8)

Diversi utenti kbar ta’ strumenti ta’ debitu dirett diġà indikaw li qed jippjanaw li jemigraw qrib id-data finali. Kwalunkwe posponiment ta’ dawn il-proġetti ta’ migrazzjoni jista’ jwassal għal stress temporanju fuq pagamenti dovuti u flussi tal-flus, u għalhekk fuq livelli tat-teżor tal-kumpaniji kkonċernati. Tali migrazzjoni tardiva fuq skala kbira tista’ toħloq ukoll ċerti punti ta’ konġestjoni, b’mod partikolari fil-livell tal-banek u l-bejjiegħa tas-softwer li jistgħu jiltaqgħu ma’ ċerti limitazzjonijiet ta’ kapaċità. Il-perjodu addizzjonali għall-introduzzjoni gradwali tas-sistema l-ġdida jippermetti li jkun hemm approċċ aktar gradwali. Il-parteċipanti fis-suq li għadhom ma bdewx jimplimentaw l-adattamenti meħtieġa għal konformità mas-SEPA huma mitluba biex jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun. Il-parteċipanti fis-suq li diġà bdew jadattaw il-proċessi tal-pagamenti għandhom xorta waħda jlestu l-migrazzjoni malajr kemm jista’ jkun.

(9)

Fid-dawl tal-għan globali li ssir migrazzjoni koordinata u integrata, huwa xieraq li l-perjodu tranżitorju japplika kemm għal SCT u wkoll għal SDD. Perjodi tranżitorji differenti għal SCT u SDD jistgħu jikkawżaw konfużjoni għal konsumaturi, fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti, SMEs u utenti oħrajn tas-servizzi ta’ pagamenti.

(10)

Għal raġunijiet ta’ ċertezza ġuridika u sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ kontinwità għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, huwa meħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u li jibda japplika b’effett retroattiv mill-31 ta’ Jannar 2014.

(11)

B’ħarsa lejn l-urġenza tal-kwistjoni, għandha tapplika eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika,

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   B’deroga mill-Artikolu 6(1) u (2), il-PSPs jistgħu jkomplu, sal-1 ta’ Awwissu 2014, jipproċessaw tranżazzjonjiet ta’ pagamenti f’euro f’formati li huma differenti minn dawk meħtieġa għat-trasferimenti ta’ kreditu u għad-debiti diretti skont dan ir-Regolament.

L-Istati Membri japplikaw ir-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tal-Artikolu 6(1) u (2), stabbiliti skont l-Artikolu 11, mit-2 ta’ Awwissu 2014.

B’deroga mill-Artikoli 6(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu, sal-1 ta’ Frar 2016, iħallu lill-PSPs biex jipprovdu lill-PSUs, b’servizzi ta’ konverżjoni għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas nazzjonali li jippermettu lil PSUs li jkunu konsumaturi jkomplu jużaw BBAN minflok l-identifikatur tal-kont ta’ pagament speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness bil-kundizzjoni li l-interoperabilità tiġi żgurata billi jiġi konvertit il-BBAN ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju b’mod tekniku u sikur fl-identifikatur tal-kont ta’ pagament rispettiv speċifikat fil-punt (1)(a) tal-Anness. Dan l-identifikatur tal-kont ta’ pagament jingħata lill-PSU inizjali, meta jkun xieraq qabel ma jsir il-pagament. F’każ bħal dan, il-PSPs ma għandhom jimponu l-ebda imposta jew tariffa oħra fuq il-PSU marbuta direttament jew indirettament ma’ dawn is-servizzi ta’ konverżjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika, b’effett retroattiv, mill-31 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transfruntieri fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/4


REGOLAMENT (UE) Nru 249/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, Ġeorġja u Sjerra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni ICCAT) mill-14 ta’ Novembru 1997, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE (2).

(2)

Il-Konvenzjoni ICCAT tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u l-ispeċijiet li jixbħu t-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra li jmissu miegħu. Il-Konvenzjoni ICCAT stabbilixxiet Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. Dawk il-miżuri jorbtu lill-partijiet kontraenti.

(3)

Fl-1998, l-ICCAT adottat ir-Riżoluzzjoni 98-18 dwar il-qabdiet ta’ tonn mhux rapportati u mhux regolati minn bastimenti ta’ skala kbira li jużaw il-konzijiet fiż-żona ta’ Konservazzjoni. Dik ir-Riżoluzzjoni stabbiliet proċeduri biex jiġu identifikati pajjiżi li l-bastimenti tagħhom kienu stadu għat-tonn u għal speċijiet li jixbħu t-tonn b’mod li naqqas l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT. Din speċifikat ukoll miżuri li għandhom jittieħdu, li jinkludu, jekk meħtieġ, miżuri restrittivi tal-kummerċ mhux diskriminatorji, biex ma jkunx permess li l-bastimenti ta’ dawk il-pajjiżi jkomplu prattiki bħal dawn ta’ sajd.

(4)

Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 98-18, l-ICCAT identifikat il-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u Sjerra Leone bħala pajjiżi li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku (Thunnus obesus) b’mod li jnaqqsu l-effettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni. ICCAT issostanzjat dawn il-konklużjonijiet b’data dwar il-qabdiet, il-kummerċ u l-attivitajiet tal-bastimenti.

(5)

B’konsegwenza ta’ dan, l-ICCAT irrakkomandat li l-partijiet kontraenti jieħdu l-miżuri xierqa, konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-riżoluzzjoni tagħha 98-18, biex tipprojbixxu l-importazzjoni tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu fi kwalunkwe forma minn dawk il-pajjiżi.

(6)

Fl-2004, l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku li joriġina fil-Bolivja, il-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ġeorġja u s-Sjerra Leone fl-Unjoni kienu pprojbiti mir-Regolament (KE) Nru 827/2004 (3).

(7)

Fl-14-il laqgħa speċjali fl-2004, l-ICCAT għarfet l-isforzi magħmula mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u Sjerra Leone biex jindirizzaw it-tħassib tagħha u adottat rakkomandazzjonijiet biex tneħħi miżuri li jirrestrinġu l-kummerċ fil-konfront ta’ dawk it-tliet pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu.

(8)

B’konsegwenza ta’ dan, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 (4) emenda ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 biex titneħħa l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu mill-Kambodja, il-Ginea Ekwatorjali u s-Sjerra Leone lejn l-Unjoni. Wara dik l-emenda, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 jipprojbixxi biss tali importazzjonijiet mill-Bolivja u l-Ġeorġja.

(9)

Fit-22 laqgħa annwali regolari tagħha fl-2011, l-ICCAT għarfet l-azzjonijiet meħuda mill-Bolivja u l-Ġeorġja u adottat ir-Rakkomandazzjoni 11-19 li tneħħil-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet tat-tonn għajnu kbira tal-Atlantiku u l-prodotti tiegħu li kienu baqgħu japplikaw għal dawk iż-żewġ pajjiżi.

(10)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 għandu jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 827/2004 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE tad-9 ta’ Ġunju 1986 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, kif emendata bil-Protokoll mehmuż mal-Att Finali tal-Konferenza tal-Plenipotenzjari tal-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni ffirmata f’Pariġi fl-10 ta’ Lulju 1984 (ĠU L 162, 18.6.1986, p. 33).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 827/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tat-tonn alalunga mill-Atlantiku (Thunnus obesus) li joriġina fil-Bolivja, Kambodja, Ginea Ekwatorjali, Ġorġja u Sierra Leone u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1036/2001 (ĠU L 127, 29.4.2004, p. 21).

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 919/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 827/2004 fir-rigward tal-projbizzjoni tat-tonn alalunga mpurtat mill-Kambodja, Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 826/2004 li jwaqqaf l-importazzjoni tat-tonn blue-fin mill-Ginea Ekwatorjali u s-Sierra Leone u r-Regolament (KE) Nru 828/2004 li jipprojbixxi l-importazzjoni tal-pixxispad mis-Sierra Leone (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 1).


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/6


REGOLAMENT (UE) Nru 250/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta’ attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Erkole III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 325 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni u l-Istati Membri stabbilixxew l-objettiv li jiġġieldu kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż il-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni. Sabiex jittejjeb l-impatt fit-tul tal-infiq u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet għandhom jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib u regolari fil-livell tal-Unjoni u bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

(2)

L-attivitajiet li għandhom l-għan li jipprovdu informazzjoni aħjar, taħriġ speċjalizzat, inklużi studji dwar il-liġi komparattiva u assistenza teknika jew xjentifika jgħinu b’mod sinifikattiv biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u fl-istess ħin biex jintlaħaq livell ugwali ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha.

(3)

Permezz tal-appoġġ għal attivitajiet bħal dawk taħt id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (il-programm Erkole) li kienet emendata u estiża mid-Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (il-programm Erkole II), kien possibbli li jissaħħu l-attivitajiet imwettqa mill-Unjoni u mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe att illegali ieħor li jinċidi fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(4)

Il-Kummissjoni għamlet reviżjoni tal-kisbiet tal-programm Ercole II b’rapport dwar xi ddaħħal fil-programm u x’ħareġ minnu.

(5)

Fl-2011, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt, sabiex tevalwa l-ħtieġa jekk għandux jitkompla l-programm.

(6)

Biex jitkomplew u anki biex jiġu żviluppati l-attivitajiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-isfidi l-ġodda fil-kuntest tal-awsterità baġitarja, jeħtieġ li jiġi adottat programm ġdid (il-“Programm”).

(7)

Il-Programm għandu jiġi implimentat filwaqt li jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet u l-miżuri elenkati fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2013 intitolata “L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta’ kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - Strateġija komprensiva tal-UE”.

(8)

Il-Programm għandu jiġu implimentat f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). F’konformità ma’ dak ir-Regolament, għotja jkollha bħala skop li tappoġġa finanzjarjament azzjoni maħsuba biex tgħin jitwettaq objettiv ta’ politika tal-Unjoni u ma għandhiex ikollha bħala l-iskop uniku tagħha x-xiri ta’ tagħmir.

(9)

Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-Istati li ser jingħaqdu mal-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, kif ukoll pajjiżi msieħba taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, sakemm dawn il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ approssimazzjoni għal-leġislazzjoni rilevanti u l-metodi amministrattivi tal-Unjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati u pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas rispettivi, fid-deċiżjonijiet ta’ Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili, kif ukoll il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

(10)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, kif ukoll rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi, fuq bażi annwali, informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni annwali tal-programm, inklużi r-riżultati tal-azzjonijiet iffinanzjati u informazzjoni dwar il-konsistenza u l-kumplimentarjetà fir-rigward ta’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħrajn fil-livell tal-Unjoni.

(11)

Jeħtieġ li l-Programm jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, billi r-riżorsi jintużaw b’mod aktar effiċjenti milli kif jintużaw fil-livell nazzjonali. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa u ġustifikata peress li b’mod ċar tgħin lill-Istati Membri kollettivament biex jipproteġu l-baġit ġenerali tal-Unjoni u dawk nazzjonali u tħeġġeġ l-użu ta’ strutturi komuni tal-UE biex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Il-Programm ma għandux, madanakollu, jaffettwa r-responsabilitajiet tal-Istati Membri.

(12)

Il-Programm għandu jibqa’ għaddej għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul ta’ żmien tiegħu jkun allinjat mal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (6).

(13)

Sabiex isir provvediment għal ċerta flessibbiltà fl-allokazzjoni ta’ fondi, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta, taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, atti ddelegati fir-rigward tal-emendament tal-allokazzjoni indikattiva ta’ dawk il-fondi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(14)

Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali li jkun fihom l-azzjonijiet iffinanzjati, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u l-każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif dovut, bħal dawk dwar l-Istati Membri esposti għal riskju għoli fir-rigward tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li fihom ir-rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 90 % tal-ispejjeż eliġibbli hija applikabbli. Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti mal-Istati Membri l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenjoni ta’ Frodi mwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE (7).

(15)

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħhom skont ir-rata ta’ kofinanzjament għal għotjiet mogħtija taħt il-Programm.

(16)

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li l-programmi ta’ ħidma annwali jkunu konsistenti u komplementari ma’ programmi rilevanti oħrajn iffinanzjati mill-UE, b’mod partikolari fil-qasam tad-dwana, sabiex jissaħħaħ l-impatt ġenerali tal-azzjonijiet tal-Programm u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet tal-Programm fi programmi oħrajn.

(17)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu sħiħ tal-Programm, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(18)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu mħarsa permezz ta’ miżuri proporzjonali tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludi l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn xieraq, pieni amministrattivi u finanzjarji.

(19)

Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE għandha titħassar. Għandhom jiġu adottati miżuri tranżizzjonali sabiex jiġu mwettqa bis-sħiħ obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li jkunu saru taħt dik id-Deċiżjoni u tal-obbligi ta’ rappurtar speċifikati fiha.

(20)

Huwa meħtieġ li tkun żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn il-programm Erkole II u l-Programm u li t-tul tal-Programm jiġi allinjat mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013. Għalhekk, dan il-Programm għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

B’dan huwa stabbilit programm ta’ azzjoni pluriennali biex jiġu promossi attivitajiet kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li jinċidu fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Erkole III (“il-Programm”) għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 2

Valur miżjud

Il-Programm għandu jikkontribwixxi għal dawn kollha li ġejjin:

(a)

l-iżvilupp ta’ attivitajiet fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(b)

aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni transnazzjonali fil-livell tal-Unjoni, bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), u b’mod partikolari fir-rigward tal-effikaċja u l-effiċjenza ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

(c)

il-prevenzjoni effettiva tal-frodi, tal-korruzzjoni u ta’ kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jingħata taħriġ speċjalizzat konġunt lil persunal ta’ amministrazzjonijiet nazzjonali, u reġjonali, u għal partijiet interessati oħrajn.

B’mod partikolari, il-Programm għandu jippermetti l-iffrankar riżultanti mill-akkwist kollettiv ta’ tagħmir speċjalizzat u databases li jintużaw mill-partijiet interessati u riżultanti minn taħriġ speċjalizzat.

Artikolu 3

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm għandu jkun il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni biex b’hekk tissaħħaħ il-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni u tiġi żgurata l-protezzjoni tad-dħul mit-taxxi.

Artikolu 4

Objettiv speċifiku

L-objettiv speċifiku tal-Programm għandu jkun il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra li tinċidi fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-objettiv speċifiku għandu jitkejjel billi ssir referenza, fost l-oħrajn, għal-livelli ta’ mira u l-linji bażi u permezz tal-indikaturi prinċipali kollha tal-prestazzjoni li ġejjin:

(a)

in-numru ta’ sekwestri, konfiski u rkupru wara l-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ frodi permezz ta’ azzjonijiet konġunti u ta’ operazzjonijiet transkonfinali;

(b)

il-valur miżjud u l-użu effettiv tat-tagħmir tekniku kofinanzjat;

(c)

l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri dwar ir-riżultati miksuba bil-materjal tekniku;

(d)

l-għadd u t-tip ta’ attivitajiet ta’ taħriġ, inkluż l-ammont ta’ taħriġ speċjalizzat.

Artikolu 5

Objettivi operattivi

L-objettivi operattivi tal-Programm għandhom ikunu dawn kollha li ġejjin:

(a)

it-titjib tal-prevenzjoni u tal-investigazzjoni tal-frodi u ta’ attivitajiet illegali oħrajn lil hinn mil-livelli milħuqa s’issa billi tittejjeb il-kooperazzjoni transnazzjonali u multidixxiplinari;

(b)

iż-żieda fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi, billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni, tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, inkluż l-iskambju ta’ impjegati;

(c)

it-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet illegali oħrajn permezz tal-għoti ta’ appoġġ tekniku u operattiv fl-investigazzjoni nazzjonali, u b’mod partikolari lill-awtoritajiet tad-dwana u tal-infurzar tal-liġi;

(d)

il-limitazzjoni ta’ espożizzjoni, kemm attwalment magħrufa, tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni għall-frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali oħrajn, bil-għan li jitnaqqas l-iżvilupp ta’ ekonomija illegali f’żoni prinċipali ta’ riskju bħall-frodi organizzata, inklużi l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(e)

it-titjib tal-grad ta’ żvilupp tal-protezzjoni legali u ġudizzjarja speċifika tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi permezz tal-promozzjoni ta’ analiżi ta’ liġi komparattiva.

Artikolu 6

Korpi eliġibbli għall-finanzjamenti

Kull wieħed mill-korpi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm:

(a)

l-amministrazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali ta’ pajjiż parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 7(1), li jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b)

l-istituti ta’ riċerka u dawk edukattivi u l-entitajiet bla skop ta’ qligħ sakemm ikunu ilhom stabbiliti u ilhom joperaw għal mill-inqas sena, f’pajjiż parteċipanti, kif previst fl-Artikolu 7(1), u jippromwovu t-tisħiħ tal-azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Artikolu 7

Parteċipazzjoni fil-Programm

1.   Il-pajjiżi parteċipanti għandhom ikunu l-Istati Membri u l-pajjiżi msemmija fil-paragrafu 2 (“pajjiżi parteċipanti”).

2.   Il-Programm ser ikun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ kwalunkwe mill-pajjiżi li ġejjin:

(a)

Stati li ser jissieħbu, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati u l-pajjiżi fi programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas, fid-deċiżjonijiet ta’ Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni u fi ftehimiet simili rispettivi;

(b)

il-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat dment li dawk il-pajjiżi jkunu laħqu livell suffiċjenti ta’ allinjament mal-leġislazzjoni rilevanti u l-metodi amministrattivi għal dawk tal-Unjoni. Il-pajjiżi msieħba kkonċernati għandhom jipparteċipaw fil-Programm f’konformità mad-dispożizzjonjiet li għandhom jiġu determinati ma’ dawk il-pajjiżi wara l-istabbiliment ta’ ftehimiet qafas rigward il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tal-Unjoni;

(c)

il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), f’konfomità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

3.   Jistgħu jipparteċipaw rappreżentanti ta’pajjiżi li jagħmlu parti mill-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni għall-pajjiżi fix-Xlokk tal-Ewropa, għall-Federazzjoni Russa, ta’ ċerti pajjiżi li magħhom l-Unjoni laħqet ftehim dwar l-għajnuna reċiproka fil-kwistjonijiet marbuta mal-frodi, u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn rilevanti, fl-attivitajiet organizzati fil-Programm kull meta dan ikun utli biex jinkisbu l-objettiv ġenerali u l-objettiv speċifiku previsti fl-Artikoli 3 u 4 rispettivament. Dawk ir-rappreżentanti għandhom jipparteċipaw fil-Programm f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 8

Azzjonijiet eliġibbli

Il-Programm għandu jipprovdi, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-programmi ta’ ħidma annwali previsti fl-Artikolu 11, appoġġ finanzjarju adegwat għall-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-għoti ta’ assistenza teknika speċjalizzata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz ta’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

l-għoti ta’ għarfien speċifiku, ta’ tagħmir speċjalizzat u teknikament avvanzat u ta’ għodod effettivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni;

(ii)

jiġi żgurat l-appoġġ meħtieġ u jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet, b’mod partikolari fit-twaqqif ta’ gruppi konġunti ta’ investigazzjoni u fl-operazzjonijiet transkonfinali;

(iii)

jingħata sostenn lill-kapaċità tal-Istati Membri li jaħżnu u jeqirdu s-sigaretti sekwestrati, kif ukoll lis-servizzi analitiċi indipendenti għall-analiżi tas-sigaretti sekwestrati;

(iv)

it-titjib tal-iskambju tal-impjegati fi proġetti speċifiċi, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u l-falsifikazzjoni;

(v)

l-għoti ta’ appoġġ tekniku u operattiv lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-attivitajiet transkonfinali illegali u l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż, partikolarment, appoġġ għall-awtoritajiet tad-dwana;

(vi)

il-bini ta’ kapaċità fit-teknoloġija tal-informatika fil-pajjiżi parteċipanti kollha billi jiġu żviluppati u pprovduti databases u għodod tal-IT li jiffaċilitaw l-aċċess għad-data u l-analiżi tagħha;

(vii)

żieda fl-iskambju ta’ data, l-iżvilupp u l-għoti ta’ għodod tal-IT għall-investigazzjonijiet u l-monitoraġġ tal-ħidma tal-intelligence;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ taħriġ speċjalizzat immirat u ta’ sessjonijiet ta’ ħidma rigward taħriġ dwar l-analiżi tar-riskji, kif ukoll, fejn ikun xieraq, konferenzi bl-għan ta’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(i)

ikompli jitrawwem għarfien aħjar tal-mekkaniżmi tal-Unjoni u nazzjonali;

(ii)

ikun hemm skambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin bejn l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi parteċipanti, inklużi s-servizzi speċjalizzati tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali previsti fl-Artikolu 7(3);

(iii)

jiġu kkoordinati l-attivitajiet tal-Istati Membri, tal-pajjiżi parteċipanti u tar-rappreżentanti ta-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 7(3);

(iv)

jixxerred l-għarfien, partikolarment dwar kif jista’ jiġi identifikat aħjar ir-riskju għal skopijiet investigattivi;

(v)

jiġu żviluppati attivitajiet ta’ riċerka ta’ livell għoli, inklużi studji;

(vi)

tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-prattikanti u l-akkademiċi;

(vii)

tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ġudikatura u fergħat oħrajn tal-professjoni legali fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(c)

kwalunkwe azzjoni oħra mhux koperta mill-punti (a) jew (b) ta’ dan l-Artikolu, previsti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, li hija meħtieġa biex jinkisbu l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku u l-objettivi operattivi previsti fl-Artikolu 3, 4 u 5 rispettivament.

KAPITOLU II

QAFAS FINANZJARJU

Artikolu 9

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandha tkun EUR 104 918 000, fi prezzijiet attwali.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Fil-pakkett finanzjarju għall-Programm għandhom jiġu allokati ammonti indikattivi għall-azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8, fil-limiti tal-perċentwali li jinsabu fl-Anness għal kull tip ta’ azzjoni. Il-Kummissjoni tista’ ma timxix mal-allokazzjonijiet indikattivi tal-fondi mogħtija fl-Anness, iżda ma tistax iżżid is-sehem allokat tal-pakkett finanzjarju b’aktar minn 20 % għal kull tip ta’ azzjoni.

Jekk ikun meħtieġ li jinqabeż il-limitu ta’ 20 %, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 14 biex timmodifika l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi stabbilita fl-Anness.

Artikolu 10

Tip ta’ intervent finanzjarju u kofinanzjament

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm f’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012.

2.   L-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8 għandu jieħu l-forma ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a)

għotjiet;

(b)

akkwist pubbliku.

(c)

rimborż ta’ spejjeż għal parteċipazzjoni f’attivitajiet taħt il-Programm li jsiru mir-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 7(3).

3.   Ix-xiri ta’ tagħmir m’għandhux ikun l-uniku element tal-ftehim dwar l-għotja.

4.   Ir-rata ta’ kofinanzjament għall-għotjiet mogħtija taħt il-Programm m’għandhiex tkun aktar minn 80 % tal-ispejjeż eliġibbli. F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, definiti fil-programmi ta’ ħidma annwali msemmija fl-Artikolu 11, bħal każijiet li jikkonċernaw Stati Membri esposti għal riskju għoli fir-rigward tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-rata tal-konfinanzjament ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Artikolu 11

Programmi ta’ ħidma annwali

Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali. Huma għandhom jiżguraw li l-objettiv ġenerali, l-objettiv speċifiku u l-objettivi operattivi previsti fl-Artikoli 3, 4 u 5 rispettivament jiġu implimentati b’mod konsistenti u għandhom jiddeskrivu r-riżultati mistennija, il-metodu tal-implimentazzjoni u l-ammont totali tagħhom. Fil-każ tal-għotjiet, il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jinkludu l-azzjonijiet iffinanzjati, il-kriterji tal-għażla u tal-għoti u r-rata massima tal-konfinanzjament.

Ir-riżorsi allokati għall-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni taħt il-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll biex ikopru l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-objettiv ġenerali previsti fl-Artikolu 3.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri adegwati li jiżguraw li, meta jiġu implimentati azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta’ kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa ħażin u, fejn applikabbli, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa li jwettqu verifika, fuq il-bażi ta’ dokumenti u verifiki fuq il-post, tal-benefiċjarji ta’ għotjiet, tal-kuntratturi u tas-subkuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni taħt il-Programm.

3.   L-OLAF jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (10) bil-għan li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jinċidu fuq l-interessi finanzjajri tal-Unjoni relattivament għal xi ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt il-Programm.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom b’mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu dawn il-verifiki u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

KAPITOLU III

MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U SETGĦAT DELEGATI

Artikolu 13

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq bażi annwali, b’informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, inkluża dik dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm u r-riżultati. Għandha tiġi inkluża informazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u dwar il-konsistenza u l-kumplimentarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi ta’ kontinwità, ixxerred, anke fuq siti web rilevanti, ir-riżultati tal-attivitajiet appoġġati mill-Programm, sabiex tiżdied it-trasparenza dwar l-użu tal-fondi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-Programm u għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

sal-31 ta’ Diċembru 2017, rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu dwar il-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet, tar-riżultati u tal-impatti kollha, tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud tiegħugħall-Unjoni, fid-dawl ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni tal-azzjonijiet; ir-rapport ta’ evalwazzjoni indipendenti ta’ nofs it-terminu għandu, addizzjonalment, jindirizza jekk hemmx lok għal simplifikazzjoni, il-koereza interna u esterna tal-Programm, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha tal-Programm, kif ukoll il-kontribut tal-azzjonijiet għall-prijoritajiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; huwa għandu jqis ukoll ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-kisbiet tal-objettivi tal-programm Erkole II;

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2021, rapport ta’ evalwazzjoni finali dwar il-kisba tal-objettivi tal-Programm, inkluż il-valur miżjud tiegħu; barra minn hekk, l-impatti fuq perijodu ta’ żmien twil u l-effetti tas-sostenibilità tal-Programm għandhom jiġu evalwati bil-għan li jinfurmaw deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ tiġdid, modifika jew sospensjoni ta’ kwalunkwe programm sussegwenti.

3.   Il-pajjiżi parteċipanti kollha u benefiċjarji oħrajn għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bid-data u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex iżidu t-trasparenza u l-kontabbiltà u biex jippermettu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, anke dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni, tal-Programm previsti fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9 hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ seba’ snin mll-21 ta’ Marzu 2014.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 9 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 9 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE hija b’dan imħassra.

Madankollu, l-obbligi finanzjarji relatati ma’ azzjonijiet li jkunu saru taħt dik id-Deċiżjoni u l-obbligi ta’ rappurtar speċifikati fiha għandhom jibqgħu regolati minn dik id-Deċiżjoni sa meta jitwettqu kompletament dawk l-obbligi.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 201, 7.7.2012, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2014.

(3)  Deċiżjoni Nru 804/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni biex jippromwovi Attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni ta’ linteressi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole) (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 9).

(4)  Deċiżjoni Nru 878/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2007 li temenda u testendi d-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarju biex jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji Komunitarji (il-programm Erkole II) (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 18).

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/140/KE tat-23 ta’ Frar 1994 li tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenjoni ta’ Frodi (ĠU L 61, 4.3.1994, p. 27).

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(10)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).


ANNESS

ALLOKAZZJONI INDIKATTIVA TAL-FONDI

L-allokazzjoni indikattiva tal-fondi għal azzjonijiet eliġibbli elenkati fl-Artikolu 8 hija din li ġejja:

Tipi ta’ azzjoni

Sehem tal-baġit (f’%)

(a)

Assistenza teknika

Mill-inqas 70

(b)

Taħriġ

Massimu ta’ 25

(c)

Kwalunkwe azzjoni oħra mhux koperta mill-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 8

Massimu ta’ 5


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Artikolu 13

Mingħajr ħsara għall-proċedura baġitarja annwali, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippreżenta fil-kuntest ta’ djalogu strutturat mal-Parlament Ewropew rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, inkluż it-tqassim tal-baġit kif stabbilit fl-Anness, minn Jannar 2015, u l-programm ta’ ħidma lill-Kumitat responsabbli fil-Parlament Ewropew fil-kuntest tar-rapport PIF.


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/14


REGOLAMENT (UE) Nru 251/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 122/94 (4) kellhom suċċess fir-regolazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (“prodotti tal-inbid aromatizzat”). Madankollu, fid-dawl tal-innovazzjoni teknoloġika, l-iżviluppi tas-suq u l-aspettattivi li dejjem jevolvu tal-konsumaturi, huwa neċessarju li jiġu aġġornati r-regoli applikabbli għad-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ ċerti prodotti tal-inbid aromatizzat, filwaqt li jiġu kkunsidrati metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali.

(2)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, hemm bżonn ta’ aktar emendi sabiex jiġu allinjati s-setgħat konferiti lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Minħabba l-ambitu ta’ dawk l-emendi, huwa xieraq li r-Regolament (KEE) Nru 1601/91 jiġi revokat u li dan jiġi mibdul b’dan ir-Regolament. Ir-Regolament (KE) Nru 122/94 introduċi regoli dwar l-għoti ta’ togħma u ż-żieda tal-alkoħol applikabbli għal ċerti prodotti tal-inbid aromatizzat, u sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza, dawk ir-regoli għandhom ikunu inkorporati f’dan ir-Regolament.

(3)

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) japplika għall-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(4)

Il-prodotti tal-inbid aromatizzat huma importanti għall-konsumaturi, il-produtturi u s-settur agrikolu fl-Unjoni. Il-miżuri applikabbli għall-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-prevenzjoni ta’ prattiki qarrieqa u l-ilħuq ta’ trasparenza tas-suq u kompetizzjoni ġusta. Permezz ta’ dan, il-miżuri għandhom jissalvagwardaw ir-reputazzjoni li l-prodotti tal-inbid aromatizzat tal-Unjoni kisbu fis-suq intern u fuq is-suq dinji billi tibqa’ tingħata kunsiderazzjoni għall-prattiki tradizzjonali użati fil-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat kif ukoll żieda fid-domanda għall-protezzjoni u l-informazzjoni għall-konsumatur. L-innovazzjoni teknoloġika għandha tingħata kunsiderazzjoni wkoll fir-rigward tal-prodotti li għalihom tali innovazzjoni sservi biex ittejjeb il-kwalità, mingħajr ma taffettwa l-karattru tradizzjonali tal-prodotti tal-inbid aromatizzat konċernati.

(5)

Il-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat tikkostitwixxi żbokk kbir għas-settur agrikolu tal-Unjoni, li għandu jiġi enfasizzat mill-qafas regolatorju.

(6)

Fl-interess tal-konsumaturi, dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti tal-inbid aromatizzat kollha mqiegħda fis-suq fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk jiġix prodott fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi. Sabiex tinżamm u titjieb ir-reputazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat tal-Unjoni fuq is-suq dinji, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għal prodotti tal-inbid aromatizzat prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni.

(7)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u t-trasparenza fil-liġi tal-Unjoni li tirregola l-prodotti tal-inbid aromatizzat, huwa neċessarju li jiġu definiti b’mod ċar il-prodotti koperti minn dik il-liġi, il-kriterji għall-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u b’mod partikolari, id-denominazzjoni tal-bejgħ. Għandhom jiġu stipulati wkoll regoli speċifiċi dwar l-indikazzjoni volontarja tal-oriġini li jissupplimentaw dawk stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Permezz tal-istabbiliment ta’ regoli bħal dawn, l-istadji kollha fil-katina tal-produzzjoni huma regolati u l-konsumaturi huma protetti u informati sew.

(8)

Id-definizzjonijiet tal-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom ikomplu jirrispettaw il-prattiki tal-kwalità tradizzjonali iżda għandhom ikunu aġġornati u mtejba fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi.

(9)

Il-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom ikunu prodotti skont ċerti regoli u restrizzjonijiet, li jiggarantixxu li l-aspettattivi tal-konsumatur fir-rigward tal-kwalità u l-metodi ta’ produzzjoni jintlaħqu. Sabiex jintlaħqu l-istandards internazzjonali f’dan il-qasam, il-metodi ta’ produzzjoni għandhom jiġu stabbiliti u l-Kummissjoni għandha bħala regola ġenerali tqis l-istandards rakkomandati u ppubblikati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV).

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għandhom japplikaw għall-prodotti tal-inbid aromatizzat.

(11)

Barra minn hekk, l-etanol użat għall-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat għandu jkun esklussivament ta’ oriġini agrikola, sabiex jiġu sodisfatti l-aspettattivi tal-konsumaturi u jkun hemm konformità mal-prattiki ta’ kwalità tradizzjonali. Dan jiżgura wkoll żbokk għall-prodotti agrikoli bażiċi.

(12)

Minħabba l-importanza u l-kumplessità tas-settur tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Dawk ir-regoli speċifiċi għandhom jipprevjenu l-użu ħażin tad-denominazzjonijiet tal-bejgħ tal-prodotti tal-inbid aromatizzat fil-każ ta’ prodotti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(13)

Biex ikun iffaċilitat il-fehim tal-konsumaturi, għandu jkun possibbli li d-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu ssuplimentati bl-isem tradizzjonali tal-prodott fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

(14)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (8) japplika inter alia għal prodotti agrikoli pproċessati maħsuba biex jintużaw għall-ikel, u dan jinkludi prodotti tal-inbid aromatizzat. Għaldaqstant, il-prodotti tal-inbid aromatizzat li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’dak ir-Regolament u l-atti adottati skontu, jistgħu jitqiegħdu fis-suq bħala prodotti tal-inbid aromatizzat organiċi.

(15)

Fl-applikazzjoni tal-politika dwar il-kwalità u sabiex jiġi permess livell għoli ta’ kwalità tal-prodotti tal-inbid aromatizzat b’indikazzjoni ġeografika, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jadottaw regoli aktar stretti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament dwar il-produzzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat b’indikazzjoni ġeografika li huma prodotti fit-territorju tagħhom stess, safejn dawn ir-regoli jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(16)

Ladarba r-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), u d-dispożizzjonijiet dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) ma japplikawx għal prodotti tal-inbid aromatizzat, għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti tal-inbid aromatizzat. L-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jintużaw biex il-prodotti tal-inbid aromatizzat jiġu identifikati bħala li joriġinaw fit-territorju ta’ pajjiż, jew reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn ċerta kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott tal-inbid aromatizzat hija essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu u dawn l-indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jiġu rreġistrati mill-Kummissjoni.

(17)

Għandha tiġi stabbilita f’dan ir-Regolament proċedura għar-reġistrazzjoni, il-konformità, it-tibdil u t-tħassir possibbli ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ pajjiż terz u tal-Unjoni.

(18)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, u għandhom isiru arranġamenti għall-Kummissjoni biex tkun tista’ tissorvelja u tivverifika tali konformità.

(19)

Sabiex jiġu supplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-istabbiliment ta’ proċessi ta’ produzzjoni sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzati; il-kriterji għad-demarkazzjoni taż-żoni ġeografiċi u regoli, restrizzjonijiet u derogi relatati mal-produzzjoni f’dawn iż-żoni; il-kondizzjonijiet li taħthom speċifikazzjoni ta’ prodott tista’ tinkludi rekwiżiti addizzjonali; id-determinazzjoni tal-każijiet fejn produttur uniku jista’ japplika għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika u r-restrizzjonijiet li jirregolaw it-tip tal-applikant li jista’ japplika għal tali protezzjoni; il-kondizzjonijiet li magħhom tinħtieġ konformità fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, l-iskrutinju mill-Kummissjoni, il-proċedura ta’ oġġezzjoni u l-proċeduri għall-emendament u l-kanċellazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi; l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet transkonfinali; l-istabbiliment tad-data għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni jew talba, id-data li minnha tibda tapplika l-protezzjoni u d-data li minnha tibda tapplika emenda ta’ protezzjoni; l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet relatati ma’ emendi ta’ speċifikazzjoni tal-prodott, inklużi l-kondizzjonjijiet fejn emenda titqies minuri u l-kondizzjonjijiet relatati mal-applikazzjonijiet għal, u l-approvazzjoni ta’, emendi li ma jinvolvu ebda bidla lid-dokument uniku; ir-restrizzjonijiet rigward l-isem protett; in-natura u t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi notifikata fl-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-metodi ta’ notifika, ir-regoli relatati mad-drittijiet ta’ aċċess għal informazzjoni jew għal sistemi ta’ informazzjoni li jsiru disponibbli u l-modalitajiet tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inklużi dawk fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, fil-preparazzjoni u t-tfassil ta’ atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adegwata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(20)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-metodi tal-analiżi għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat; deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ protezzjoni fir-rigward ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi u dwar iċ-ċaħda ta’ applikazzjonijiet għal tali protezzjoni; deċiżjonijiet dwar il-kanċellazzjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti; deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal emendi fil-każ ta’ emendi minuri għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott; l-informazzjoni li għandha tingħata fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott fir-rigward tad-definizzjoni tal-indikazzjoni ġeografika; il-mezzi sabiex id-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni jew iċ-ċaħda ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi jsiru disponibbli għall-pubbliku; regoli marbuta mas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet transkonfinali; kontrolli u verifiki li għandhom isiru mill-Istati Membri; il-proċedura, inkluża l-ammissibbilta, għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ emenda ta’ indikazzjoni ġeografika, u l-proċedura, inkluża l-ammissibbilta, għal talbiet għal oġġezzjoni, kanċellazzjoni jew konverżjoni u s-sottomissjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti; kontrolli amministrattivi u fiżiċi li għandhom isiru mill-Istati Membri; u regoli dwar l-għoti ta’ informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata, il-kontenut, il-forma, il-ħin, il-frekwenza u l-iskadenzi tan-notifiki u arranġamenti għat-trasmissjoni jew għad-disponibbiltà tal-informazzjoni u d-dokumenti lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi, jew lill-pubbliku, għandha tingħata setgħa ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu eżerċitati konformement mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

(21)

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u, minħabba n-natura speċjali tagħhom, filwaqt li taġixxi mingħajr ma tapplika r-Regolament (UE) Nru 182/2011, tippubblika d-dokument waħdieni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiddeċiedi jekk tiċħadx applikazzjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà u għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament, inkluż l-elenkar tad-denominazzjonijiet ġeografika eżistenti f’dak ir-reġistru jew it-tneħħija tagħhom mir-reġistru.

(22)

It-tranżizzjoni mir-regoli stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament tista’ toħloq diffikultajiet li mhumiex ittrattati f’dan ir-Regolament. Għal dik il-fini, lill-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta l-miżuri tranżizzjonali neċessarji.

(23)

Għandhom jitħallew kemm żmien biżżejjed kif ukoll arranġamenti adegwati sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 għar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Fi kwalunkwe każ, il-kummerċjalizzazzjoni tal-ħażniet eżistenti għandha tkun permessa wara l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa meta jiġu eżawriti dawk il-ħażniet.

(24)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment tar-regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandu japplika għall-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kollha tal-inbid aromatizzat fuq is-suq fl-Unjoni irrispettivament minn jekk ikunux prodotti fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, kif ukoll għal dawk prodotti fl-Unjoni għall-esportazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“denominazzjoni tal-bejgħ” tfisser l-isem ta’ kwalunkwe prodott tal-inbid aromatizzat stabbilit f’dan ir-Regolament;

(2)

“deskrizzjoni” tfisser il-lista tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ prodott tal-inbid aromatizzat;

(3)

“indikazzjoni ġeografika” tfisser indikazzjoni li tiddefinixxi prodott tal-inbid aromatizzat bħala li joriġina f’reġjun, post speċifiku, jew pajjiż fejn xi kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew xi karatteristiċi oħrajn ta’ dak il-prodott ikunu essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tiegħu.

KAPITOLU II

DEFINIZZJONI, DESKRIZZJONI, PREŻENTAZZJONI U TIKKETTAR TA’ PRODOTTI TAL-INBID AROMATIZZAT

Artikolu 3

Definizzjoni u klassifikazzjoni ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat

1.   Prodotti tal-inbid aromatizzat huma prodotti miksubin minn prodotti tas-settur tal-inbid kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ngħataw togħma. Dawn huma klassifikati fil-kategoriji li ġejjin:

(a)

inbejjed aromatizzati,

(b)

xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat,

(c)

cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid.

2.   Inbid aromatizzat huwa xarba:

(a)

miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew aktar definit/i fil-punt 5 tal-Parti IV tal-Anness II u fil-punti 1 u 3 sa 9 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni tal-inbid ‘Retsina’;

(b)

li fiha l-prodotti tad-dielja msemmijin fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 75 % tal-volum totali;

(c)

li magħha seta’ ġie miżjud l-alkoħol;

(d)

li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)

li magħha seta’ ġie miżjud il-most tal-għeneb, il-most tal-għeneb parzjalment iffermentat jew it-tnejn li huma;

(f)

li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(g)

li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 14,5 % vol. u inqas minn 22 % vol. u qawwa alkoħolika totali skont il-volum ta’mhux inqas minn 17,5 % vol.

3.   Xorb b’bażi ta’ nbid aromatizzat huwa xarba:

(a)

miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew iżjed definit fil-punti 1, 2 u 4 sa 9 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni ta’ nbejjed prodotti biż-żieda tal-alkoħol u l-inbid ‘Retsina’;

(b)

li fiha l-prodotti tad-dielja msemmija fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-volum totali;

(c)

li magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol, ħlief fil-każijiet fejn l-Anness II jipprevedi mod ieħor;

(d)

li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)

li magħha seta’ ġie miżjud il-most tal-għeneb, il-most tal-għeneb parzjalment iffermentat jew it-tnejn li huma;

(f)

li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(g)

li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 4,5 % vol. u inqas minn 14,5 % vol.

4.   Cocktail aromatizzat magħmul minn prodotti tal-inbid huwa xarba:

(a)

miksuba minn prodott tad-dielja wieħed jew aktar kif definit fil-punti 1, 2 u 4 sa 11 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, bl-eċċezzjoni ta’ nbejjed prodotti biż-żieda tal-alkoħol u l-inbid ‘Retsina’;

(b)

li fiha l-prodotti tad-dielja msemmija fil-punt (a) jirrappreżentaw mill-inqas 50 % tal-volum totali;

(c)

li magħha ma ġiex miżjud l-alkoħol;

(d)

li magħha setgħu ġew miżjuda l-kuluri;

(e)

li jista’ jkun ingħatat il-ħlewwa;

(f)

li għandha qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ aktar minn 1,2 % vol. u inqas minn 10 % vol..

Artikolu 4

Proċessi tal-produzzjoni u metodi tal-analiżi għal prodotti tal-inbid aromatizzat

1.   Il-prodotti tal-inbid aromatizzat għandhom ikunu prodotti skont ir-rekwiżiti, ir-restrizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II.

2.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 33 dwar l-istabbiliment tal-proċessi ta’ produzzjoni awtorizzati sabiex jinkisbu prodotti tal-inbid aromatizzat, filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi tal-konsumaturi.

Meta tkun qed tistabbilixxi l-proċessi ta’ produzzjoni awtorizzati msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tqis il-proċessi ta’ produzzjoni rakkomandati u ppubblikati mill- OIV.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun neċessarju, tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-metodi tal-analiżi għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat. Dawn il-metodi għandhom ikunu bbażati fuq kwalunkwe metodu rilevanti rakkomandat u pppublikat mill-OIV, sakemm ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-objettiv segwit. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Sa meta jiġu adottati tali metodi mill-Kummissjoni, il-metodi li għandhom jintużaw għandhom ikunu dawk permessi mill-Istat Membru konċernat.

4.   Ir-restrizzjonijiet u l-prattiki enoloġiċi stabbiliti b’konformità mal-Artikoli 74, 75 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom japplikaw għall-prodotti tad-dielja użati fil-produzzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat.

Artikolu 5

Denominazzjonijiet tal-bejgħ

1.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti fl-Anness II għandhom jintużaw għal kwalunkwe prodott tal-inbid aromatizzat imqiegħed fis-suq fl-Unjoni, sakemm ikun konformi mar-rekwiżiti għad-denominazzjoni tal-bejgħ korrispondenti stabbiliti f’dak l-Anness. Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu supplimentati b’isem tradizzjonali kif definit fl-Artikolu 2(2)(o) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011.

2.   Fejn il-prodotti tal-inbid aromatizzat jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ iżjed minn denominazzjoni tal-bejgħ waħda, l-użu ta’ waħda biss minn dawk id-denominazzjonijiet tal-bejgħ huwa awtorizzat, ħlief fejn l-Anness II jipprevedi mod ieħor.

3.   Xarba alkoħolika li ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhiex tiġi deskritta, ippreżentata jew tikkettata bl-assoċjazzjoni ta’ kliem jew frażijiet bħal “bħal”, “tat-tip”, “stil”, “magħmul”, “bit-togħma” jew kwalunkwe terminu ieħor simili għal kwalunkwe mid-denominazzjonijiet tal-bejgħ.

4.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu supplimentati jew sostitwiti b’indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament.

5.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26, id-denominazzjonijiet tal-bejgħ ma għandhomx ikunu supplimentati bid-denominazzjonijiet tal-oriġini jew bl-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti permessi għall-prodotti tal-inbid.

Artikolu 6

Dettalji addizzjonali għad-denominazzjonijiet tal-bejgħ

1.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ imsemmija fl-Artikolu 5 jistgħu jiġu supplimentati wkoll bid-dettalji li ġejjin fir-rigward tal-kontenut ta’ zokkor tal-prodott tal-inbid aromatizzat:

(a)   “xott ħafna”: fil-każ ta’ prodotti b’kontenut ta’ zokkor ta’ inqas minn 30 gramma kull litru u, għall-kategorija tal-inbejjed aromatizzati u b’deroga mill-Artikolu 3(2)(g), qawwa alkoħolika minima ta’ 15 % vol.;

(b)   “xott”: fil-każ ta’ prodotti b’kontenut ta’ zokkor ta’ inqas minn 50 gramma kull litru u, għall-kategorija tal-inbejjed aromatizzati, u b’deroga mill-Artikolu 3(2)(g), qawwa alkoħolika minima ta’ 16 % vol.;

(c)   “xott mezzan”: fil-każ ta’ prodotti b’kontenut ta’ zokkor ta’ bejn 50 u inqas minn 90 gramma għal kull litru;

(d)   “ħelu mezzan”: fil-każ ta’ prodotti b’kontenut ta’ zokkor ta’ bejn 90 u inqas minn 130 gramma għal kull litru;

(e)   “ħelu”: fil-każ ta’ prodotti b’kontenut ta’ zokkor ta’ 130 gramma għal kull litru jew iktar.

Il-kontenut ta’ zokkor indikat fil-punti (a) sa (e) tal-ewwel subparagrafu huwa mfisser bħala zokkor maqlub.

Id-dettalji “ħelu mezzan” u “ħelu” jistgħu jiġu akkumpanjati b’indikazzjoni tal-kontenut ta’ zokkor, imfisser fi grammi ta’ zokkor maqlub għal kull litru.

2.   Fejn id-denominazzjoni tal-bejgħ tkun supplimentata bid-dettall “spumanti” jew tkun tinkludi dan id-dettall, il-kwantità tal-inbid spumanti użata ma għandhiex tkun inqas minn 95 %.

3.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ jistgħu jiġu supplimentati wkoll b’referenza għat-togħma ewlenija użata.

Artikolu 7

Indikazzjoni tal-provenjenza

Fejn il-provenjenza tal-prodotti tal-inbid aromatizzat tkun indikata, din għandha tikkorrispondi għall-post fejn jiġi prodott il-prodott tal-inbid aromatizzat. Il-provenjenza għandha tkun indikata bil-kliem ‘magħmul fi (…)’, jew imfissra f’termini ekwivalenti, u supplimentata bl-isem tal-Istat Membru jew pajjiż terz korrispondenti.

Artikolu 8

Użu tal-lingwa fil-preżentazzjoni u fit-tikkettar tal-prodotti tal-inbid aromatizzat

1.   Id-denominazzjonijiet tal-bejgħ stabbiliti b’tipa korsiva fl-Anness II la għandhom jiġu tradotti fuq it-tikketta u lanqas fil-preżentazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat.

Id-dettalji addizzjonali stipulati f’dan ir-Regolament għandhom, meta mfissra fi kliem, jidhru għallanqas f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

2.   L-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament għandu jidher fuq it-tikketta fil-lingwa jew lingwi li fihom huwa rreġistrat, anki fejn l-indikazzjoni ġeografika tissostitwixxi d-denominazzjoni tal-bejgħ skont l-Artikolu 5(4).

Fejn l-isem ta’ indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament ikun miktub b’alfabett mhux Latin, dan jista’ jidher ukoll f’lingwa uffiċjali waħda jew iżjed tal-Unjoni.

Artikolu 9

Regoli aktar stretti deċiżi mill-Istati Membri

Meta japplikaw politika dwar il-kwalità għall-prodotti tal-inbid aromatizzat b’indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament li huma prodotti fit-territorju tagħhom stess jew għall-istabbiliment ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar il-produzzjoni u d-deskrizzjoni u li huma aktar stretti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4 u fl-Annessi I u II sakemm dawn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

KAPITOLU III

INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

Artikolu 10

Kontenut tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għall-protezzjoni tal-ismijiet bħala indikazzjonijiet ġeografiċi għandhom jinkludu fajl tekniku li jkun fih:

(a)

l-isem li għandu jiġi protett;

(b)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(c)

speċifikazzjoni tal-prodott kif imsemmi fil-paragrafu 2; u

(d)

dokument uniku li jagħti fil-qosor l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fil-paragrafu 2.

2.   Sabiex ikun eliġibbli għal indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament, prodott għandu jikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti li għandha tinkludi mill-inqas:

(a)

l-isem li għandu jiġi protett;

(b)

deskrizzjoni tal-prodott, b’mod partikolari l-karatteristiċi analitiċi prinċipali tiegħu kif ukoll indikazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tiegħu;

(c)

fejn applikabbli, il-proċessi u l-ispeċifikazzjonijiet tal-produzzjoni partikolari kif ukoll ir-restrizzjonijiet rilevanti fuq il-fabrikazzjoni tal-prodott;

(d)

id-demarkazzjoni taż-żona ġeografika konċernata;

(e)

id-dettalji li fihom il-konnessjoni msemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 2;

(f)

ir-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali jew, fejn ikun sar provvediment għal dan mill-Istati Membri, minn organizzazzjoni li tiġġestixxi l-indikazzjoni ġeografika protetta, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li tali rekwiżiti għandhom ikunu oġġettivi, u nondiskriminatorji u kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni;

(g)

indikazzjoni tal-materja prima ewlenija li minnha jinkiseb il-prodott tal-inbid aromatizzat;

(h)

l-isem u l-indirizz tal-awtoritajiet jew tal-korpi li jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-kompiti speċifiċi tagħhom.

Artikolu 11

Applikazzjoni għall-protezzjoni relatata ma’ żona ġeografika f’pajjiż terz

1.   Fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni tikkonċerna żona ġeografika f’pajjiż terz, din għandu jkun fiha, flimkien mal-elementi stipulati fl-Artikolu 10, evidenza li l-isem konċernat huwa protett fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.

2.   L-applikazzjoni għall-protezzjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, direttament mill-applikant jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat.

3.   L-applikazzjoni għall-protezzjoni għandha tiġi sottomessa f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni ċċertifikata f’waħda minn dawk il-lingwi.

Artikolu 12

Applikanti

1.   Kwalunkwe grupp ta’ produtturi interessati, jew f’każijiet eċċezzjonali produttur uniku, jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika. Partijiet interessati oħrajn jistgħu jipparteċipaw fl-applikazzjoni għall-protezzjoni.

2.   Il-produtturi jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni biss ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat li jipproduċu huma stess.

3.   Fil-każ ta’ isem li jinnomina żona ġeografika transkonfinali, tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-protezzjoni konġunta.

Artikolu 13

Proċedura nazzjonali preliminari

1.   L-applikazzjonijiet għal protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat, li joriġinaw fl-Unjoni għandhom ikunu suġġetti għal proċedura nazzjonali preliminari skont il-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-applikazzjoni għall-protezzjoni għandha tiġi sottomessa mal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu toriġina l-indikazzjoni ġeografika.

3.   L-Istat Membru għandu jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni sabiex jivverifika jekk din tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

L-Istat Membru għandu, permezz ta’ proċedura nazzjonali, jiżgura l-pubblikazzjoni adegwata tal-applikazzjoni għall-protezzjoni u għandu jipprovdi għal perjodu ta’ mill-inqas xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni li matulhom kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika b’interess leġittimu u hija residenti jew stabbilita fit-territorju tiegħu tista’ toġġezzjona għall-protezzjoni proposta billi tippreżenta dikjarazzjoni debitament sostanzjata mal-Istat Membru.

4.   Jekk Stat Membru jqis li l-indikazzjoni ġeografika ma tissodisfax ir-rekwiżiti rilevanti jew li hija inkompatibbli mal-liġi tal-Unjoni b’mod ġenerali, dan għandu jiċħad l-applikazzjoni.

5.   Jekk l-Istat Membru jqis li r-rekwiżiti rilevanti huma sodisfatti, dan għandu:

(a)

jippubblika d-dokument uniku u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott mill-inqas fuq l-Internet; u

(b)

jibgħat lill-Kummissjoni applikazzjoni għall-protezzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-isem u l-indirizz tal-applikant;

(ii)

l-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 10(2);

(iii)

id-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10(1)(d);

(iv)

dikjarazzjoni mill-Istat Membru li jqis li l-applikazzjoni ppreżentata mill-applikant tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa; u

(v)

ir-referenza għall-pubblikazzjoni, kif imsemmi fil-punt (a).

L-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tintbagħat f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew għandha tkun akkumpanjata minn traduzzjoni ċertifikata f’waħda minn dawk il-lingwi.

6.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ dan l-Artikolu sat-28 ta’ Marzu 2015.

7.   Fejn Stat Membru ma għandux leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, dan jista’, fuq bażi tranżizzjonali biss, jagħti protezzjoni lill-isem skont it-termini ta’ dan il-Kapitolu fil-livell nazzjonali. Tali protezzjoni għandha ssir effettiva mid-data li fiha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni lill-Kummissjoni u għandha tieqaf fid-data li fiha tittieħed deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni jew iċ-ċaħda taħt dan il-Kapitolu.

Artikolu 14

Skrutinju mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-protezzjoni pubblika.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 13(5) jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

3.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu huma sodisfatti, din għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2), tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-dokument uniku msemmi fl-Artikolu 10(1)(d) u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott imsemmija fl-Artikolu 13(5)(a).

4.   Fejn il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu mhumiex issodisfatti, din għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi li tiċħad l-applikazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 15

Proċedura ta’ oġġezzjoni

Fi żmien xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni stipulata fl-Artikolu 14(3), kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż terz, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika b’interess leġittimu, li hija residenti jew stabbilita fi Stat Membru minbarra dak li jkun applika għall-protezzjoni jew f’pajjiż terz, tista’ toġġezzjona għall-protezzjoni proposta billi tippreżenta lill-Kummissjoni dikjarazzjoni debitament sostanzjata relatata mal-kondizzjonijiet tal-eliġibbiltà kif stabbilit f’dan il-Kapitolu.

Fil-każ ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma residenti jew stabbiliti f’pajjiż terz, tali dikjarazzjoni għandha tiġi ppreżentata, jew direttament jew permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, fil-limitu ta’ żmien ta’ xahrejn imsemmi fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 16

Deċiżjoni dwar il-protezzjoni

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni hekk kif titlesta l-proċedura ta’ oġġezzjoni msemmija fl-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, jew tikkonferixxi protezzjoni fuq l-indikazzjoni ġeografika li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu u li hija kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni jew inkella tiċħad l-applikazzjoni fejn dawk il-kondizzjonijiet ma jiġux sodisfatti. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 17

Omonimi

1.   Għandu jiġi rreġistrat isem, li għalih tiġi ppreżentata applikazzjoni għal protezzjoni, u li huwa kompletament jew parzjalment omonimu ma’ dak ta’ isem li jkun diġà rreġistrat taħt dan ir-Regolament, filwaqt li jitqies bil-mod dovut l-użu lokali u tradizzjonali u kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni.

2.   Ma għandux jiġi reġistrat isem omonimu li jiżgwida lill-konsumatur biex jemmen li l-prodotti jiġu minn territorju ieħor anki jekk l-isem ikun preċiż safejn ikun ikkonċernat it-territorju, ir-reġjun jew il-post ta’oriġini attwali tal-prodotti kkonċernati.

3.   L-użu ta’ isem omonimu reġistrat għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni ta’ eżistenza ta’ distinzjoni suffiċjenti fil-prattika bejn l-omonimu reġistrat u l-isem diġà fuq ir-reġistru, b’kunsiderazzjoni tal-bżonn li l-prodotturi kkonċernati jiġu trattati b’mod ekwu u li l-konsumatur ma jiġix żgwidat.

Artikolu 18

Raġunijiet għal ċaħda tal-protezzjoni

1.   L-ismijiet li saru ġeneriċi ma għandhomx ikunu protetti bħala indikazzjoni ġeografika.

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “isem li sar ġeneriku” tfisser l-isem ta’ prodott ta’ nbid aromatizzat li, għalkemm huwa relatat mal-post jew mar-reġjun fejn dan il-prodott ikun ġie prodott jew imqiegħed fis-suq oriġinarjament, ikun sar l-isem komuni ta’ prodott tal-inbid aromatizzat fl-Unjoni.

Sabiex jiġi stabbilit jekk isem sarx ġeneriku jew le, għandha tingħata kunsiderazzjoni għall-fatturi kollha rilevanti, b’mod partikolari:

(a)

is-sitwazzjoni eżistenti fl-Unjoni, b’mod partikolari fl-oqsma tal-konsum;

(b)

il-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali.

2.   Isem għandu jkun protett bħala indikazzjoni ġeografika fejn, fid-dawl tar-reputazzjoni u l-fama tat-trademark, ikun probabbli li l-protezzjoni tkun sejra tiżgwida lill-konsumatur fir-rigward tal-identità vera tal-prodott tal-inbid aromatizzat.

Artikolu 19

Relazzjoni mat-trademarks

1.   Fejn indikazzjoni ġeografika tkun protetta taħt dan ir-Regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li l-użu tagħha jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 20(2) u relatata ma’ prodott tal-inbid aromatizzat għandha tiġi miċħuda jekk l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trademark tkun sottomessa wara d-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni u l-indikazzjoni ġeografika tiġi sussegwentement protetta.

Trademarks irreġistrati bi ksur tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu invalidati.

2.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 17(2), trademark li l-użu tagħha jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 20(2), li tkun saret applikazzjoni għaliha, li tkun irreġistrata jew stabbilita skont l-użu, tista’ tkompli tintuża u tiġġedded minkejja l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, jekk dik il-possibbiltà hija stipulata mil-leġiżlazzjoni kkonċernata, fit-territorju tal-Unjoni qabel id-data li fiha tiġi sottomessal-applikazzjoni għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika lill-Kummissjoni, sakemm ma jkunux jeżistu raġunijiet għall-invalidità jew ir-revoka tat-trademark kif speċifikat bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) jew bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 (14).

F’każijiet bħal dawn l-użu tal-indikazzjoni ġeografika għandu jkun permess flimkien mat-trademarks rilevanti.

Artikolu 20

Protezzjoni

1.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament jistgħu jintużaw minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodott tal-inbid aromatizzat li jkun ġie prodott f’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti.

2.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament u l-prodotti tal-inbid aromatizzat li jużaw dawk l-ismijiet protetti b’konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem protett:

(i)

minn prodotti paragunabbli li ma jikkonformawx mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem protett; jew

(ii)

safejn tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, anki jekk l-oriġini vera tal-prodott jew servizz hija indikata jew l-isem protett huwa tradott, traskritt jew translitterat jew akkumpanjat minn espressjoni bħal “stil”, “tat-tip”, “bil-metodu”, “kif prodott fi”, “imitazzjoni ta’”, “bit-togħma”, “bħal” jew simili;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew li tiżgwida dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar ta’ ġewwa jew ta’ barra, il-materjal tar-reklamar jew id-dokumenti relatati mal-prodott tal-inbid ikkonċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’kontenitur li jistgħu jagħtu impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott.

3.   L-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament ma għandhomx isiru ġeneriċi fl-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 18(1).

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u ġudizzjarji meħtieġa sabiex jevitaw jew iwaqqfu l-użu illegali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament kif imsemmi fil-paragrafu 2.

Artikolu 21

Reġistru

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2), tistabbilixxi u żżomm reġistru elettroniku tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament għall-prodotti tal-inbid aromatizzat li għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti ta’ pajjiżi terzi li huma protetti fl-Unjoni skont ftehim internazzjonali li l-Unjoni hija parti kontraenti minnu, jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru msemmi fl-ewwel paragrafu bħala indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 22

Ħatra tal-awtorità kompetenti

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli fir-rigward tal-obbligi stabbiliti f’dan il-Kapitolu skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull operatur li jikkonforma ma’ dan il-Kapitolu ikun intitolat li jkun kopert minn sistema ta’ kontrolli.

3.   L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom pubbliċi u taġġornahom perjodikament.

Artikolu 23

Verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet

1.   Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament relatati ma’ żona ġeografika fi ħdan l-Unjoni, il-verifika annwali tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, matul il-produzzjoni u matul jew wara l-ikkondizzjonar tal-prodott tal-inbid aromatizzat, għandha tiġi żgurata permezz:

(a)

tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 22; jew

(b)

ta’ korp ta’ kontroll wieħed jew iżjed responsabbli għall-verifika fis-sens tal-punt 5 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 li jopera bħala korp taċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dak ir-Regolament.

L-ispejjeż ta’ verifika bħal din għandhom jitħallsu mill-operaturi suġġetti għaliha.

2.   Fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti taħt dan ir-Regolament relatati ma’ żona ġeografika f’pajjiż terz, għandha tiġi żgurata verifika annwali tal-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, matul il-produzzjoni u matul jew wara l-ikkondizzjonar tal-prodott tal-inbid aromatizzat, permezz:

(a)

ta’ awtorità pubblika waħda jew iżjed maħturin mill-pajjiż terz; jew

(b)

korp taċ-ċertifikazzjoni wieħed jew iżjed.

3.   Il-korpi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-punt (b) tal-paragrafu 2 għandhom jikkonformaw ma’, u jkunu akkreditati skont, l-Istandard EN ISO/IEC 17065:2012 (Valutazzjonijiet ta’ konformità - Rekwiżiti għal korpi li jiċċertifikaw proċessi ta’ prodotti u servizzi).

4.   Fejn l-awtorità jew l-awtoritajiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-punt (a) tal-paragrafu 2 jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, dawn għandhom joffru garanziji xierqa ta’ oġġettività u imparzjalità, u għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom persunal kwalifikat u riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

Artikolu 24

Emendi għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott

1.   Applikant li jissodisfa l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 12 jista’ japplika għal approvazzjoni ta’ emenda għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex tingħata kunsiderazzjoni għall-iżviluppi fl-għarfien xjentifiku u tekniku jew biex tiġi definita mill-ġdid iż-żona ġeografika msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 10(2). L-applikazzjonijiet għandhom jiddeskrivu u jagħtu raġunijiet għall-emendi mitlubin.

2.   Fejn l-emenda proposta tinvolvi bidla waħda jew iżjed tad-dokument uniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 10(1), l-Artikoli 13 sa 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-applikazzjoni għal emenda. Madankollu, jekk l-emenda proposta hija biss waħda minuri, il-Kummissjoni għandha, permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni, tiddeċiedi jekk tapprovax l-applikazzjoni mingħajr ma ssegwi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14(2) u l-Artikolu 15 u fil-każ ta’ approvazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-elementi msemmija fl-Artikolu 14(3). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 25

Kanċellazzjoni

Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba debitament sostanzjata ta’ Stat Membru, ta’ pajjiż terz jew ta’ persuna fiżika jew ġuridika li għandha interess leġittimu, tiddeċiedi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, li tikkanċella l-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika jekk il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti ma għadhiex żgurata. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

L-Artikoli 13 sa 16 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 26

Denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti

1.   Id-denominazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat elenkati fl-Anness II għar-Regolament (KEE) Nru 1601/91 u kwalunkwe denominazzjoni ġeografika ppreżentata lil Stat Membru u approvata minn dak l-Istat Membru qabel is-27 ta’ Marzu 2014, għandhom ikunu protetti awtomatikament bħala indikazzjonijiet ġeografiċi taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2) ta’ dan ir-Regolament, telenkahom fir-reġistru stipulat fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom, fir-rigward tad-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti msemmija fil-paragrafu 1, jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

il-fajls tekniċi kif stipulat fl-Artikolu 10(1);

(b)

id-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ approvazzjoni.

3.   Id-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti msemmija fil-paragrafu 1, li għalihom, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix sottomessa sat-28 ta’ Marzu 2017, għandhom jitilfu l-protezzjoni taħt dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura imsemmija fl-Artikolu 34(2), tieħu l-pass formali korrispondenti biex tneħħi t-tali ismijiet mir-reġistru stipulat fl-Artikolu 21.

4.   L-Artikolu 25 ma għandux japplika fir-rigward tad-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Sat-28 ta’ Marzu 2018 il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li tikkanċella l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi eżistenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jekk dawn ma jikkonformawx mal-punt (3) tal-Artikolu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 27

Tariffi

L-Istati Membri jistgħu jitolbu tariffi biex ikopru l-ispejjeż tagħhom, inklużi dawk għall-eżaminazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni, id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni, l-applikazzjonijiet għal emendi u t-talbiet għall-kanċellazzjoni taħt dan il-Kapitolu.

Artikolu 28

Setgħat delegati

1.   Sabiex tingħata kunsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċifiċi tal-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 fir-rigward ta’:

(a)

kriterji għad-demarkazzjoni taż-żona ġeografika, u

(b)

regoli, restrizzjonijiet u derogi relatati mal-produzzjoni fiż-żona ġeografika demarkata.

2.   Sabiex tiżgura l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-prodott, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 sabiex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet skont liema speċifikazzjonijiet tal-prodott jistgħu jinkludu rekwiżiti addizzjonali għal dawk imsemmijin fl-Artikolu 10(2)(f).

3.   Sabiex tiżgura d-drittijiet jew l-interessi leġittimi tal-produtturi jew tal-operaturi, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 sabiex:

(a)

tiddetermina l-każijiet fejn produttur uniku jista’ japplika għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika;

(b)

tiddetermina r-restrizzjonijiet li jirregolaw it-tip tal-applikant li jista’ japplika għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika;

(c)

tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu segwiti fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika, l-iskrutinju mill-Kummissjoni, il-proċedura ta’ oġġezzjoni, u l-proċeduri ta’ emenda jew kanċellazzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi;

(d)

tistabbilixxi l-kondizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet transkonfinali;

(e)

tiffissa d-data ta’ sottomissjoni ta’ applikazzjoni jew talba;

(f)

tiffissa d-data li minnha tibda tapplika l-protezzjoni;

(g)

tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom emenda għandha titqies bħala minuri kif imsemmi fl-Artikolu 24(2);

(h)

tiffissa d-data li minnha emenda tidħol fis-seħħ;

(i)

tistabbilixxi l-kondizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni għal, u l-approvazzjoni ta’ emendi għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika protetta taħt dan ir-Regolament, fejn tali emendi ma jkunu jinvolvu l-ebda bidla għad-dokument uniku msemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 10(1).

4.   Sabiex tiżgura protezzjoni adegwata, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 fi-rigward tar-restrizzjonijiet fir-rigward tal-isem protett.

Artikolu 29

Setgħat ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-miżuri kollha neċessarji relatati ma’ dan il-Kapitolu fir-rigward ta’:

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott rigward il-konnessjoni msemmija fil-punt (3) tal-Artikolu 2 bejn iż-żona ġeografika u l-prodott finali;

(b)

il-mezzi li bihom id-deċiżjonijiet dwar il-protezzjoni jew it-tiċħid imsemmija fl-Artikolu 16 isiru disponibbli għall-pubbliku;

(c)

is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet transkonfinali;

(d)

il-kontrolli u l-verifika li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri, inkluż l-ittestjar.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

2.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta l-miżuri kollha neċessarji relatati ma’ dan il-Kapitolu fir-rigward tal-proċedura, inkluża l-ammissibbiltà għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni jew għall-approvazzjoni ta’ emenda ta’ indikazzjoni ġeografika, kif ukoll il-proċedura, inkluża l-ammissibiltà, għat-talbiet għal oġġezzjoni, kanċellazzjoni, jew konverżjoni, u s-sottomissjoni tal-informazzjoni relatata mad-denominazzjonijiet ġeografiċi protetti eżistenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)

il-mudelli għad-dokumenti u l-format tat-trasmissjoni;

(b)

il-limiti ta’ żmien;

(c)

id-dettalji tal-fatti, l-evidenza u d-dokumenti ta’ appoġġ li jridu jiġu sottomessi bħala appoġġ tal-applikazzjoni jew talba.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 30

Applikazzjoni jew talba inammissibbli

Fejn applikazzjoni jew talba sottomessa skont dan il-Kapitolu titqies bħala inammissibbli, il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mingħajr l-applikazzjoni tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 34(2), tiddeċiedi li tiċħadha fuq il-bażi ta’ inammissibbiltà.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI, TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 31

Kontrolli u verifika ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat

1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-kontrolli tal-prodotti tal-inbid aromatizzat. Dawn għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u b’mod partikolari dawn għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontroll fir-rigward tal-obbligi stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fejn ikun hemm bżonn, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta r-regoli dwar il-kontrolli amministrattivi u fiżiċi li jridu jitwettqu mill-Istati Membri fir-rigward tar-rispett tal-obbligi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 32

Skambju ta’ informazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar kwalunkwe informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għall-konformità mal-obbligi internazzjonali li jikkonċernaw il-prodotti tal-inbid aromatizzat. Dik l-informazzjoni tista’, fejn xieraq, tiġi trasmessa jew tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u tista’ ssir pubblika.

2.   Sabiex tagħmel in-notifiki msemmija fil-paragrafu 1 veloċi, effiċjenti, preċiżi u kost-effettivi, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 biex tistabbilixxi:

(a)

in-natura u t-tip tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata;

(b)

il-metodi ta’ notifika;

(c)

ir-regoli relatati mad-drittijiet tal-aċċess għall-informazzjoni jew għas-sistemi ta’ informazzjoni disponibbli;

(d)

il-kondizzjonijiet u l-mezzi ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

3.   Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta:

(a)

regoli dwar l-għoti ta’ informazzjoni neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu;

(b)

arranġamenti għall-ġestjoni tal-informazzjoni li trid tiġi nnotifikata, kif ukoll regoli dwar il-kontenut, il-forma, il-ħin, il-frekwenza u l-iskadenzi tan-notifiki;

(c)

arranġamenti għat-trasmissjoni jew għad-disponibbiltà tal-informazzjoni u d-dokumenti lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet kompetenti f’pajjiżi terzi, jew lill-pubbliku.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 33

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 4(2), 28, 32(2) u 36(1) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mis-27 ta’ Marzu 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 4(2), 28, 32(2) u 36(1) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħat speċifikati f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 4(2), 28, 32(2) u 36(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew inkella mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 34

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat dwar il-prodotti tal-inbid aromatizzat. Il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Fil-każ ta’ atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 29(1)(b), fejn il-Kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u għandu jiġi applikat it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 35

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 huwa b’dan imħassar mit-28 ta’ Marzu 2015.

Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness III għal dan ir-Regolament

Artikolu 36

Miżuri tranżizjonali

1.   Sabiex tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mir-regoli stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 għal dawk stabbiliti b’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta, fejn ikun il-każ, atti delegati f’konformità mal-Artikolu 33 rigward l-adozzjoni ta’ miżuri biex temenda jew tidderoga minn dan ir-Regolament, li għandu jibqa’ fis-seħħ sat-28 ta’ Marzu 2018.

2.   Il-prodotti tal-inbid aromatizzat li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament iżda li ġew prodotti skont ir-Regolament (KEE) Nru 1601/91 qabel is-27 ta’ Marzu 2014 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sa meta jispiċċaw il-ħażniet.

3.   Il-prodotti tal-inbid aromatizzat li jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 6 u mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament u li ġew fabbrikati qabel is-27 ta’ Marzu 2014 jistgħu jitqiegħdu fis-suq sa meta jkunu eżawriti l-istokkijiet dment li dawn il-prodotti jikkonformaw mar-Regolament (KEE) Nru 1601/91 fir-rigward tal-aspetti kollha li mhumiex regolati mill-Artikoli 1 sa 6 u mill-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mit-28 ta’ Marzu 2015. Madankollu, l-Artikolu 36(1) u (3) għandu japplika mis-27 ta’ Marzu 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 67.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2014.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 tal-10 ta’ Ġunju 1991 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid (ĠU L 149, 14.6.1991, p. 1).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 122/94 tal-25 ta’ Jannar 1994 li jipprovdi ċerti regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 dwar id-definizzjoni, deskrizzjoni u preżentazzjoni ta’ nbejjed aromatizzati, xorb bil-bażi ta’ nbid aromatizzat, u cocktails prodotti minn inbid aromatizzat (ĠU L 21, 26.1.1994, p. 7).

(5)  Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).

(6)  Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(7)  Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1).

(9)  Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

(10)  Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).

(11)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(12)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(13)  Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25).

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1).

(15)  Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1).


ANNESS I

DEFINIZZJONIJIET, REKWIŻITI U RESTRIZZJONIJIET TEKNIĊI

(1)   Għoti ta’ togħma

(a)

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-għoti tat-togħma lill-inbejjed aromatizzati:

(i)

sustanzi u/jew preparazzjonijiet naturali ta’ għoti ta’ togħma kif definit fl-Artikolu 3(2)(c) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008;

(ii)

sustanzi li jagħtu t-togħma kif definit fl-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, li:

huma identiċi għall-vanillin,

għandhom ir-riħa u/jew it-togħma tal-lewż,

għandhom ir-riħa u/jew it-togħma tal-berquq,

għandhom ir-riħa u/jew it-togħma tal-bajd, u

(iii)

ħxejjex aromatiċi u/jew ħwawar aromatiċi u/jew oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma l-ikel,

(b)

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-għoti tat-togħma ta’ xarbiet ibbażati fuq l-inbid u cocktails aromatizzati magħmula mill-prodotti tal-inbid:

(i)

sustanzi u/jew preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma kif definit fl-Artikolu 3(2)(b) u (d) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008; u

(ii)

ħxejjex aromatiċi u/jew ħwawar u/jew oġġetti tal-ikel li jagħtu t-togħma.

Iż-żieda ta’ sustanzi bħal dawn tagħti lill-prodott finali karatteristiċi organolettiċi minbarra dawk tal-inbid;

(2)   Għoti ta’ ħlewwa

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-għoti tal-ħlewwa lill-prodotti tal-inbid aromatizzat:

(a)

zokkor nofsu abjad, zokkor abjad, zokkor raffinat, destrożju, fruttożju, ġulepp tal-glukożju, taħlita likwida ta’ zokkor likwidu maqlub, ġulepp taz-zokkor maqlub, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE (1);

(b)

most tal-għeneb, most tal-għeneb u most tal-għeneb konċentrat rettifikat, kif definit fil-punti 10, 13 u 14 tal-Parti II tal-Anness VII għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013;

(c)

zokkor maħruq, li huwa l-prodott miksub esklussiviament mit-tisħin ikkontrollat tas-sukrożju mingħajr bażijiet, aċidi minerali jew addittivi oħra kimiċi;

(d)

għasel kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE (2);

(e)

ġulepp tal-ħarrub;

(f)

kwalunkwe sustanza karboidrata oħra naturali li għandha effett simili għal dawk il-prodotti.

(3)   Żieda ta’ alkoħol

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-preparazzjoni ta’ ċerti nbejjed aromatizzati u, ċertu xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat:

(a)

etanol ta’ oriġini agrikola, kif definit fl-Anness I, punt 1, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008, inkluż dak li joriġina mill-vitikultura;

(b)

alkoħol etiliku jew alkoħol tal-għeneb imnixxef;

(c)

distillat tal-inbid jew distillat tal-għeneb imnixxef;

(d)

distillat ta’ oriġini agrikola, kif definit fl-Anness I, punt 2, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(e)

spirtu mill-inbid, kif definit fl-Anness II, punt 4, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(f)

spirtu mill-karfa tal-għeneb magħsur, kif definit fl-Anness II, punt 6, għar-Regolament (KE) Nru 110/2008;

(g)

xorb spirituż distillat minn għeneb imnixxef iffermentat.

L-etanol użat biex jiddilwa jew idewweb is-sustanzi koloranti, is-sustanzi li jagħtu t-togħma, jew kwalunkwe addittiv awtorizzat ieħor fil-preparazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat għandu jkun ta’ oriġini agrikola u għandu jintuża fid-doża strettament neċessarja u mhuwiex ikkunsidrat bħala żieda ta’ alkoħol għall-produzzjoni ta’ prodott tal-inbid aromatizzat.

(4)   Addittivi u sustanzi koloranti

Ir-regoli dwar l-addittivi tal-ikel, inklużi l-kuluri, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 japplikaw għall-prodotti tal-inbid aromatizzat.

(5)   Żieda ta’ ilma

Għall-preparazzjoni tal-prodotti tal-inbid aromatizzat, iż-żieda tal-ilma hija awtorizzata sakemm tintuża fid-doża neċessarja:

għall-preparazzjoni tal-essenza li tagħti t-togħma,

biex iddewweb is-sustanzi koloranti u li jagħtu l-ħlewwa,

biex taġġusta l-kompożizzjoni finali tal-prodott.

Il-kwalità tal-ilma miżjud trid tkun konformi mad-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE (4), u din ma għandhiex tbiddel in-natura tal-prodott.

Dan l-ilma jista’ jkun distillat, demineralizzat, permutat jew imrattab.

(6)   Għall-preparazzjoni ta’ prodotti tal-inbid aromatizzat, iż-żieda tad-dijossidu tal-karbonju hija awtorizzata.

(7)   Qawwa alkoħolika

“Qawwa alkoħolika skont il-volum” tfisser il-proporzjon tal-volum tal-alkoħol pur li jinsab fil-prodott ikkonċernat f’temperatura ta’ 20 °C għall-volum totali ta’ dak il-prodott bl-istess temperatura.

“Qawwa alkoħolika attwali skont il-volum” tfisser in-numru ta’ volumi ta’ alkoħol pur f’temperatura ta’ 20 °C li jkun jinsab f’100 volum tal-prodott bl-istess temperatura.

“Qawwa alkoħolika potenzjali skont il-volum” tfisser in-numru ta’ volumi ta’ alkoħol pur f’temperatura ta’ 20 °C li jistgħu jiġu fabbrikati mill-fermentazzjoni totali taz-zokkor li jinsab f’100 volum tal-prodott bl-istess temperatura.

“Qawwa alkoħolika totali skont il-volum” tfisser it-total tal-qawwa attwali u dik potenzjali skont il-volum.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2001/111/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li għandha x’taqsam ma’ ċerti tipi ta’ zokkor maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 53).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel (ĠU L 10, 12.1.2002, p. 47).

(3)  Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (ĠU L 164, 26.6.2009, p. 45).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).


ANNESS II

DENOMINAZZJONIJIET TAL-BEJGĦ U DESKRIZZJONIJIET TAL-PRODOTTI TAL-INBID AROMATIZZAT

A.   DENOMINAZZJONIJIET TAL-BEJGĦ U DESKRIZZJONIJIET TAL-PRODOTTI TAL-INBID AROMATIZZAT

(1)   Inbid aromatizzat:

Prodotti li jikkonformaw mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(2)

(2)   Aperitif ibbażat fuq l-inbid:

Inbid aromatizzat li jista’ jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu.

L-użu tat-terminu “aperitif” f’dan il-każ huwa mingħajr ħsara għall-użu tiegħu għad-definizzjoni tal-prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(3)   Vermut

Inbid aromatizzat:

li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu, u

li t-togħma karatteristika tiegħu tkun inkisbet mill-użu ta’ sustanzi xierqa tal-ħwawar tal-Artemisia.

(4)   Inbid morr aromatizzat:

Inbid aromatizzat b’togħma morra karatterizzata li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu.

Id-denominazzjoni tal-bejgħ “inbid aromatizzat morr” hija segwita bl-isem tas-sustanza prinċipali li tagħti t-togħma morra.

Id-denominazzjoni tal-bejgħ “inbid aromatizzat morr” tista’ tkun issupplimentata jew sostitwita mit-termini li ġejjin:

“Quinquina wine”, li t-togħma prinċipali tiegħu hija togħma naturali ta’ kinina,

Bitter vino”, li t-togħma prinċipali tiegħu hija togħma naturali ta’ ġenzjana u x-xarba ġiet ikkulurita b’kulur awtorizzat isfar u/jew aħmar; l-użu tal-kelma “bitter” (morr) f’dan il-każ huwa mingħajr ħsara għall-użu tagħha għad-definizzjoni tal-prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament,

Americano”, li t-togħma tiegħu hija dovuta għall-preżenza ta’ sustanzi li jagħtu t-togħma naturali li ġejjin mill-assenzju u l-ġenzjana u x-xarba tkun ġiet ikkulurita bil-kuluri awtorizzati isfar u/jew aħmar.

(5)   Inbid aromatizzat b’bażi ta’ bajd

Inbid aromatizzat:

li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu

li miegħu jkunu ġew miżjuda l-isfar tal-bajd ta’ kwalità tajba jew estratti tiegħu,

li għandu kontenut ta’ zokkor mogħti bħala zokkor maqlub ta’ aktar minn 200 gramma, u

li fil-preparazzjoni tiegħu l-kwantità minima ta’ isfar tal-bajd użata fit-taħlita hija ta’ 10 grammi għal kull litru.

Id-denominazzjoni tal-bejgħ “inbid aromatizzat b’bażi ta’ bajd” tista’ tkun akkumpanjata mit-terminu “cremovo” fejn tali prodott ikun fih inbid tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Marsala” fi proporzjon ta’ mhux inqas minn 80 %.

Id-denominazzjoni tal-bejgħ “inbid aromatizzat b’bażi ta’ bajd” tista’ tkun akkumpanjata mit-terminu “cremovo zabaione” fejn tali prodott ikun fih inbid tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Marsala” fi proporzjon ta’ mhux inqas minn 80 % u kontenut ta’ isfar tal-bajd ta’ mhux inqas minn 60 gramma għal kull litru.

(6)   Väkevä viiniglögi Starkvinsglögg

Inbid aromatizzat:

li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu, u

li t-togħma karatteristika tiegħu tkun inkisbet bl-użu tal-imsiemer tal-qronfol u/jew tal-kannella.

B.   DENOMINAZZJONIJIET TAL-BEJGĦ U DESKRIZZJONIJIET TAX-XORB IBBAŻAT FUQ L-INBID AROMATIZZAT

(1)   Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

Prodotti li jikkonformaw mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3).

(2)   Xorb ibbażat fuq l-inbid imqawwi aromatizzat

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu,

li jkollu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol.,

li jkun ingħata l-ħlewwa,

li jkun inkiseb minn inbid abjad,

li miegħu jkun ġie miżjud id-distillat tal-għeneb imnixxef, u

li jkun ingħata t-togħma esklussivament mill-estratt tal-kardamonu;

jew

li jkun ġie miżjud l-alkoħol miegħu,

li jkollu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol.,

li jkun ingħata l-ħlewwa,

li jkun inkiseb minn inbid aħmar, u

li miegħu jkunu ġew miżjuda preparazzjonijiet li jagħtu t-togħma miksubin esklussivament minn ħwawar, ġinseng, ġewż, essenzi tal-frott taċ-ċitru u ħxejjex aromatiċi.

(3)   Sangría/Sangria

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jkun inkiseb mill-inbid,

li huwa aromatizzat biż-żieda ta’ estratti jew essenzi naturali tal-frott taċ-ċitru, bi jew mingħajr il-meraq ta’ frott bħal dan,

li miegħu jista’ jkun li ġew miżjuda ħwawar,

li miegħu jista’ jkun li ġie miżjud dijossidu tal-karbonju,

li ma jkunx ingħata kulur,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 4,5 % vol., u inqas minn 12 % vol., u

li jista’ jkun fih partikoli solidi tal-polpa jew tal-qxur tal-frott taċ-ċitru u l-kulur tiegħu jiġi esklussivament mill-materja prima użata.

Sangría” jew “Sangria” tista’ tintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun ġie magħmul fi Spanja jew fil-Portugall. Meta l-prodott ikun magħmul fi Stati Membri oħrajn, “Sangría” jew “Sangria” tista’ tintuża biss biex tissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ “xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat”, sakemm tkun akkumpanjata bil-kliem: “prodott fi …”, segwit mill-isem tal-Istat Membru ta’ produzzjoni jew ta’ reġjun iktar ristrett.

(4)   Clarea

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat, li jkun inkiseb minn inbid abjad taħt l-istess kondizzjonijiet bħas-Sangría/Sangria.

Clarea” tista’ tintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar fi Spanja. Meta l-prodott ikun magħmul fi Stati Membri oħrajn, “Clarea” tista’ tintuża biss biex tissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ “xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat”, sakemm tkun akkumpanjata mill-kliem: “prodott fi …”, segwit bl-isem tal-Istat Membru ta’ produzzjoni jew ta’ reġjun iżjed ristrett.

(5)   Zurra

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat li jinkiseb biż-żieda ta’ brandi jew spirtu tal-inbid kif definit fir-Regolament (KE) Nru 110/2008 mas-Sangría/Sangria u l-Clarea, possibbilment biż-żieda ta’ biċċiet tal-frott. Il-qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ma għandhiex tkun anqas minn 9 % vol. u inqas minn 14 % vol..

(6)   Bitter soda

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

miksub minn “bitter vino” li l-kontenut tiegħu fil-prodott lest ma jridx ikun inqas minn 50 % skont il-volum,

li miegħu jkun ġie miżjud id-dijossidu tal-karbonju jew ilma bil-gass, u

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 8 % vol., u inqas minn 10,5 % vol..

L-użu tal-kelma “bitter“(morr) f’dan il-kuntest għandu jkun mingħajr ħsara għall-użu tagħha biex tiddefinixxi prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

(7)   Kalte Ente

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li huwa miksub mit-taħlita ta’ nbid, inbid semifrizzanti jew inbid semifrizzanti bil-gass ma’ nbid frizzanti jew inbid frizzanti bil-gass,

li miegħu jkunu ġew miżjuda sustanzi tal-lumi naturali jew estratti tagħhom, u

għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol..

Il-prodott lest għandu jkun fih mhux inqas minn 25 % skont il-volum ta’ nbid frizzanti jew inbid frizzanti bil-gass.

(8)   Glühwein

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb esklussivament minn inbid aħmar jew abjad,

li jingħata togħma prinċipalment mill-kannella u/jew l-imsiemer tal-qronfol, u

għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol..

Mingħajr ħsara għall-kwantitajiet tal-ilma li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Anness I, punt 2, iż-żieda tal-ilma hija projbita.

Fejn dan jiġi preparat bl-inbid abjad, id-denominazzjoni tal-bejgħ “Glühwein” għandha tkun supplimentata bi kliem li jindikaw inbid abjad, bħall-kelma”abjad”.

(9)   Viiniglögi/Vinglögg/Karštas vynas

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb esklussivament minn inbid aħmar jew abjad,

li jingħata togħma prinċipalment mill-kannella u/jew l-imsiemer tal-qronfol,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol..

Fejn dan jiġi preparat bl-inbid abjad, id-denominazzjoni tal-bejgħ “Viiniglögi/Vinglögg/Karštas vynas” għandha tkun supplimentata bi kliem li jindika inbid abjad, bħall-kelma “abjad”.

(10)   Maiwein

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb mill-inbid li fih ikunu ġew miżjuda Galium odoratum (L.) Scop. (Asperula odorata L.), pjanti jew estratti tagħhom sabiex tiġi żgurata togħma predominanti tal-Galium odoratum (L.) Scop. (Asperula odorata L.), u

għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol..

(11)   Maitrank

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb mill-inbid abjad li fih ikunu ġew immaċerati, jew li magħhom ikunu ġew miżjuda estratti ta’ pjanti ta’ Galium odoratum (L.) Scop. (l-Asperula odorata L.) b’żieda ta’ larinġ u/jew frott ieħor, possibbilment fil-forma ta’ meraq, konċentrat jew estratti, u b’massimu ta’ 5 % zokkor li jagħti l-ħlewwa, u

għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 7 % vol..

(12)   Pelin

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb mill-inbid aħmar jew abjad u taħlita speċifika ta’ ħxejjex aromatiċi,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 8.5 % vol. u,

li għandu kontenut ta’ zokkor imfisser bħala zokkor maqlub ta’ 45-50 gramma għal kull litru, u aċidità totali ta’ mhux inqas minn 3 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku.

(13)   Aromatizovaný dezert

Xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat

li jinkiseb mill-inbid aħmar jew abjad, zokkor u ħwawar għal mal-ħelu,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ mhux inqas minn 9 % vol., u inqas minn 12 % vol., u

li għandu kontenut ta’ zokkor imfisser bħala zokkor maqlub ta’ 90-130 gramma għal kull litru, u aċidità totali ta’ mhux inqas minn 2,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku.

Aromatizovaný dezert” tista’ tintuża bħala denominazzjoni tal-bejgħ biss meta l-prodott ikun sar fir-Repubblika Ċeka. Meta l-prodott ikun magħmul fi Stati Membri oħrajn, “Aromatizovaný dezert” tista’ tintuża biss biex tissupplimenta d-denominazzjoni tal-bejgħ “xorb ibbażat fuq l-inbid aromatizzat”, sakemm tkun akkumpanjata bil-kliem “prodott fi …” segwit bl-isem tal-Istat Membru ta’ produzzjoni jew ta’ reġjun iżjed ristrett.

C.   DENOMINAZZJONIJIET TAL-BEJGĦ U DESKRIZZJONIJIET TA’ COCKTAILS AROMATIZZATI MAGĦMULA MILL-PRODOTTI TAL-INBID

(1)   Cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid

Prodott li jikkonforma mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(4).

L-użu tat-terminu “cocktail” f’din il-konnessjoni huwa mingħajr ħsara għall-użu tiegħu għad-definizzjoni ta’ prodotti li ma jaqgħux fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(2)   Cocktail b’bażi ta’ nbid

Cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid

li fih il-proporzjon ta’ most tal-għeneb konċentrat ma jaqbiżx 10 % tal-volum totali tal-prodott lest,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ inqas minn 7 % vol., u

li fih il-kontenut ta’ zokkor, imfisser bħala zokkor maqlub huwa ta’ inqas minn 80 gramma għal kull litru.

(3)   Cocktail aromatizzat b’bażi ta’ għeneb semifrizzanti

Cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid

li jinkiseb esklussivament mill-most tal-għeneb,

li għandu qawwa alkoħolika attwali skont il-volum ta’ inqas minn 4 % vol., u

li fih id-dijossidu tal-karbonju miksub esklussivament mill-fermentazzjoni tal-prodotti użati.

(4)   Cocktail tal-inbid frizzanti

Cocktail aromatizzat magħmul mill-prodotti tal-inbid, li jitħallat mal-inbid frizzanti.


ANNESS III

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Regolament (KEE) Nru 1601/91

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2(1) sa (4)

Artikolu 3 u Anness II

Artikolu 2(5)

Artikolu 6(1)

Artikolu 2(6)

Artikolu 6(2)

Artikolu 2(7)

Artikolu 3

Artikolu 4(1) u Anness I

Artikolu 4(1) to (3)

Artikolu 4(1) u Anness I

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(3)

Artikolu 5

Artikolu 4(2)

Artikolu 6(1)

Artikolu 5(1) u (2)

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 5(4)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 20(1)

Artikolu 6(3)

Artikolu 5(5)

Artikolu 6(4)

Artikolu 9

Artikolu 7(1) u (3)

Artikolu 7(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 8(1)

Artikolu 8(2)

Artikolu 5(1) u (2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 7

Artikolu 8(4), l-ewwel u t-tieni paragrafi

Artikolu 8(4), it-tielet paragrafu

Anness I, punt 3, it-tieni paragrafu

Artikolu 8(4a)

Artikolu 8(5) sa (8)

Artikolu 8

Artikolu 8(9)

Artikolu 9(1) to (3)

Artikolu 9(4)

Artikolu 31

Artikolu 32

Artikolu 10

Artikolu 11

Artikolu 10a

Artikoli 2, punt 3, u Artikoli 10 sa 30

Artikolu 11

Artikolu 1(3)

Artikoli 12 sa 15

Artikoli 33 and 34

Artikolu 35

Artikolu 16

Artikolu 36

Artikolu 17

Artikolu 37

Anness I

Anness I(3)(a)

Anness II


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/35


REGOLAMENT (UE) Nru 252/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni u s-setgħat delegati li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94 (2) jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 774/94 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 774/94, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tal-emendi għal dak ir-Regolament, fil-każ li jiġu aġġustati l-volumi u l-kondizzjonijiet tal-arranġamenti tal-kwota, b’mod partikolari b’Deċiżjoni tal-Kunsill li jiġi konkluż ftehim ma’ pajjiż terz individwali jew aktar. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inklużi dawk fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4)

Biex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 774/94 fir-rigward tar-regoli meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-arranġamenti tal-kwota msemmija f’dak ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(5)

Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 774/94 għandu jkun emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 774/94 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 7 u 8 jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-arranġamenti tal-kwota msemmija f’dan ir-Regolament u, skont kif ikun meħtieġ:

(a)

id-dispożizzjonijiet li jiggarantixxu n-natura, il-provenjenza u l-oriġini tal-prodott;

(b)

id-dispożizzjoni marbuta mar-rikonoxximent tad-dokument li jippermetti li jiġu vverifikati l-garanziji msemmija fil-punt (a); u

(c)

il-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni u t-terminu tal-validità tagħhom.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8b(2).

Artikolu 8

Sabiex ikun hemm konformità mal-impenji internazzjonali u fejn il-volumi u l-kondizzjonijiet oħra tal-arranġamenti tal-kwota msemmija f’dan ir-Regolament jiġu aġġustati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill jew mill-Kunsill, b’mod partikolari b’Deċiżjoni tal-Kunsill li jiġi konkluż ftehim ma’ pajjiż terz jew aktar, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 8a fir-rigward tal-emendi li jirriżultaw meħtieġa għal dan ir-Regolament.”.

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ atti ddelegati diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah b’mod simultanju lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn b’inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8b

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Fejn l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew mill-inqas kwart tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

(*)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(**)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2014.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 774/94 tad-29 ta’ Marzu 1994 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tat-tariffa Komunitarja għal-laħam taċ-ċanga ta’ kwalità għolja, u għal-laħam tal-majjal, il-laħam tat-tjur, il-qamħ u l-maħlut, u tipi ta’ nuħħala, il-frak iebes u fdalijiet oħra (ĠU L 91, 8.4.1994, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kodifikazzjoni

L-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament ser tinvolvi numru sostanzjali ta’ emendi għall-atti inkwistjoni. Sabiex titjieb il-leġġibbiltà tal-atti kkonċernati, il-Kummissjoni ser tipproponi kodifikazzjoni tal-atti malajr kemm jista’ jkun ladarba jiġi adottat ir-Regolament, u mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2014.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar atti delegati

Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn li ħadet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha rigward it-tħejjija ta’ atti delegati.


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/38


REGOLAMENT (UE) Nru 253/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 510/2011 bil-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), il-Kummissjoni għandha, soġġett għall-konferma tal-fattibbiltà ta’ dan, tirrivedi l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira ta’ 147 g CO2/km sal-2020, inklużi l-formoli stabbiliti fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament u d-derogi previsti fl-Artikolu 11 tiegħu. Huwa kunsiljabbli li dan ir-Regolament ikun kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni, soċjalment ġust u sostenibbli.

(2)

Fid-dawl tar-rabta bejn l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-konsum ta’ karburant, id-definizzjoni tal-modalitajiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-vetturi kummerċjali ħfief tista’ tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-konsum tal-karburant u tal-ispejjeż relatati għas-sidien ta’ tali vetturi b’mod kosteffettiv.

(3)

Jixraq li jiġi ċċarat li, għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-mira ta’ 147 g CO2/km, l-emissjonijiet ta’ CO2 għandhom jibqgħu jitkejlu f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u l-miżuri implimentattivi tiegħu, u t-teknoloġiji innovattivi.

(4)

Skont l-analiżi teknika li saret għall-valutazzjoni tal-impatt, it-teknoloġiji meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ 147 g CO2/km huma disponibbli u t-tnaqqis meħtieġ jista’ jinkiseb bi spiża inqas milli kien stmat fl-analiżi teknika preċedenti li saret qabel l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Barra minn hekk, naqas ukoll id-distakk bejn il-medja attwali tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda u l-mira ta’ 147 g CO2/km. Għalhekk, il-fattibbiltà li tintlaħaq il-mira sal-2020 ġiet konfermata.

(5)

B’rikonoxximent tal-impatt sproporzjonat fuq l-iżgħar manifatturi li jirriżulta minn konformità ma’ miri għal emissjonijiet speċifiċi ddefiniti abbażi tal-utilità tal-vettura, il-piż amministrattiv sostanzjali tal-proċedura tad-deroga u l-benefiċċju riżultanti marġinali f’termini ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mill-vetturi li jinbiegħu minn dawk il-manifatturi, il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 1 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrati fl-Unjoni għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mira għall-emissjonijiet speċifiċi u l-primjum għal eċċess ta’ emissjonijiet.

(6)

Il-proċedura biex tingħata deroga lil manifatturi żgħar għandha tkun simplifikata biex ikun hemm aktar flessibbiltà f’termini ta’ meta għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal deroga minn dawn il-manifatturi u meta għandha l-Kummissjoni tagħti tali deroga.

(7)

Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista’ tagħmel investiment u innovazzjoni fit-tul ikun tajjeb li jiġu pprovduti indikazzjonijiet kif ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandu jiġi emendat għall-perijodu lil hinn mill-2020. Dawk l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis f’konformità mal-miri tal-Unjoni fit-tul rigward il-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ teknoloġija kosteffettiva li tnaqqas is-CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda. Il-Kummissjoni għandha, sal-2015, tirrivedi tali aspetti u tippreżenta rapport dwar il-konklużjonijiet tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jinkludi, fejn ikun il-każ, proposti biex ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 jiġi emendat fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miri għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda lil hinn mill-2020, inkluż il-possibbiltà li tiġi stabbilita mira realistika u li tista’ tinkiseb għall-2025, abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva tal-impatt li tkun tikkunsidra l-kompetittività kontinwa tal-industrija u l-industriji li jiddipendu minnha, filwaqt li jsegwi perkors ċar għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’konformità mal-miri fit-tul tal-Unjoni rigward il-klima. Meta tfassal dawn il-proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni u li jkunu soċjalment ġusti u sostenibbli.

(8)

L-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra relatati mal-provvista tal-enerġija u l-manifattura u r-rimi tal-vetturi huma komponenti sinifikanti tal-marka tal-karbonju globali attwali tat-trasport bit-triq u li x’aktarx ser ikollhom importanza sinifikattivament ogħla fil-ġejjieni. Għalhekk, għandha tittieħed azzjoni ta’ politika li tiggwida lill-manifatturi lejn soluzzjonijiet ottimali li jikkunsidraw, b’mod partikolari, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija fornita lill-vetturi bħall-elettriku u l-karburanti alternattivi u li tiżgura li dawk l-emissjonijiet upstream ma jħassrux il-benefiċċji relatati mat-titjib fl-użu operazzjonali tal-enerġija tal-vetturi li qegħdin jiġu mmirati taħt ir-Regolament (UE) Nru 510/2011.

(9)

Taħt l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika rapport dwar id-disponibbiltà ta’ data dwar il-marka tal-karbonju u l-piż tat-tagħbija u l-użu tagħhom bħala parametri ta’ utilità sabiex jiġu stabbiliti l-miri għall-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 kif espressi mill-formoli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Għalkemm dik id-dejta hija disponibbli u l-użu potenzjali tagħha ġie vvalutat fil-valutazzjoni tal-impatt, ġie konkluż li huwa iktar kosteffettiv li tinżamm il-massa fi stat ta’ tħaddim bħala l-parametru ta’ utilità għall-mira tal-2020 għall-vetturi kummerċjali ħfief.

(10)

Huwa kunsiljabbli li jinżamm l-approċċ li bih il-mira tiġi stabbilita abbażi ta’ relazzjoni lineari bejn l-utilità tal-vettura kummerċjali ħafifa u l-mira tagħha għall-emissjonijiet ta’ CO2 kif espress permezz tal-formoli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011, billi dan jippermetti li tinżamm id-diversità tas-suq tal-vetturi kummerċjali ħfief, u l-kapaċità tal-manifatturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi, biex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni mhux ġustifikata fil-kompetizzjoni. Madankollu, jixraq li dak l-approċċ jiġi aġġornat biex tiġi riflessal-aħħar data disponibbli dwar ir-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda.

(11)

Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni qieset id-disponibbiltà tad-data dwar il-marka tal-karbonju u l-użu tal-marka tal-karbonju bħala l-parametru ta’ utilità fil-formoli stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-parametru ta’ utilità użat fil-formola għall-2020 għandu jkun il-massa.

(12)

Taħt ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) il-Kummissjoni hija meħtieġa tagħmel valutazzjoni tal-impatt sabiex tirrivedi l-proċeduri tal-ittestjar bl-għan li jiġi rifess b’mod adegwat ir-rendiment reali tal-emissjonijiet reali ta’ CO2 tal-karozzi. Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 jestendi r-reviżjoni tal-proċedura ta’ testijiet biex din tinkludi l-vetturi kummerċjali ħfief. Jeħtieġ li ċ-“Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew” (NEDC), li jintuża attwalment, jiġi emendat biex jiġi żgurat li dan jirrappreżenta l-kondizzjonijiet reali tas-sewqan u biex tiġi evitata s-sottovalutazzjoni tal-emissjonijiet reali ta’ CO2 u l-konsum reali ta’ karburant. Għandu jintlaħaq qbil dwar proċedura tal-ittestjar ġdida, aktar realistika u affidabbli hekk kif dan ikun fattibbli. Il-ħidma f’din id-direzzjoni qed tipproċedi permezz tal-iżvilupp ta’ proċedura internazzjonali ta’ testijiet għall-vetturi ħfief (World Light Duty Test - WLDP) fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti iżda din għadha mhijiex kompluta. Sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 kkwotati għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief ġodda jsiru jikkonformaw aktar mill-qrib mal-emissjonijiet attwalment iġġenerati matul kondizzjonijiet normali ta’ użu, id-WLTP għandha tiġi applikata mill-aktar fis possibbli. Fid-dawl ta’ dak il-kuntest, l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 jistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet għall-2020 kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (6). Meta jiġu emendati l-proċeduri tal-ittestjar, il-limiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandhom jiġu aġġustati biex jiżguraw restrizzjonijiet komparabbli għall-manifatturi u l-klassijiet tal-vetturi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tagħmel studju robust ta’ korrelazzjoni bejn l-NEDC u ċ-ċikli ta’ testijiet ġodda tad-WLTP biex jiġi żgurat li dan jirrappreżenta kondizzjonijiet reali ta’ sewqan.

(13)

Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-emissjonijiet dinjija reali jiġu riflessi, b’mod adegwat, u li l-valuri mkejla ta’ CO2 jkunu strettament komparabbli, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-elementi fil-proċeduri tal-ittestjar li għandhom influwenza sinifikanti fuq l-emissjonijiet imkejla ta’ CO2 jiġu strettament iddefiniti sabiex jiġi evitat l-użu ta’ flessibbiltajiet ta’ ċikli ta’ testijiet mill-manifatturi. Id-devjazzjonijiet bejn il-valuri tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-approvazzjoni tat-tip u l-emissjonijiet derivati minn vetturi offruti għall-bejgħ għandhom jiġu indirizzati, inkluż billi tiġi kkunsidrata proċedura tal-ittestjar tal-konformità waqt is-servizz li għandha tiżgura l-ittestjar indipendenti ta’ kampjun rappreżentattiv ta’ vetturi għall-bejgħ, kif ukoll modi kif jiġu indirizzati l-każijiet ta’ diverġenza sostanzjali murija bejn l-istħarriġ u l-emissjonijiet ta’ CO2 inizjali tal-approvazzjoni tat-tip.

(14)

Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu definiti l-modalitajiet biex tinkiseb il-mira tal-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi kummerċjali ħfief ġodda, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista’, pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(15)

Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 510/2011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Mis-sena 2020 ‘il quddiem, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta’ 147 g CO2/km għall-medja tal-emissjonijiet ta’ vetturi kummerċjali ħfief ġodda rreġistrati fl-Unjoni, kif imkejla f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-miżuri implimentattivi tiegħu, u teknoloġiji innovattivi.”.

(2)

fl-Artikolu 2 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-Artikolu 4, l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u (c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li, flimkien mal-impriżi kollha assoċjati miegħu, jkun responsabbli għal inqas minn 1 000 vettura kummerċjali ħafifa ġdida rreġistrati fl-Unjoni fis-sena kalendarja preċedenti.”.

(3)

fl-Artikolu 11(3) titħassar l-aħħar sentenza.

(4)

l-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Permezz ta’ applikazzjoni minn fornitur jew manifattur, għandu jiġi kkunsidrat l-iffrankar ta’ CO2 miksub permezz tal-użu ta’ teknoloġiji innovattivi jew taħlita ta’ teknoloġiji innovattivi (‘pakketti ta’ teknoloġija innovattiva’).

Il-kontribut totali ta’ dawk it-teknoloġiji biex titnaqqas il-mira tal-emissjonijiet speċifiċi ta’ manifattur jista’ jkun sa 7 g CO2/km.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura ta’ approvazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi jew pakketti ta’ teknoloġija innovattiva msemmija fil-paragrafu 1, sal-31 ta’ Diċembru 2012. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dispożizzjonijiet dettaljati għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, u jkunu bbażati fuq il-kriterji li ġejjin għat-teknoloġiji innovattivi:”.

(5)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-miri għall-emissjonijiet speċifiċi u l-modalitajiet stabbiliti fih, kif ukoll l-aspetti oħra ta’ dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi il-miri għall-emissjonijiet ta’ CO2 għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda għall-perijodu lil hinn mill-2020. F’dak ir-rigward, il-valutazzjoni tar-rata ta’ tnaqqis meħtieġa għandha tikkonforma mal-miri tal-Unjoni fit-tul rigward il-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ teknoloġija kosteffettiva li tnaqqas is-CO2 għall-vetturi kummerċjali ħfief. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultat ta’ dik l-analiżi. Dak ir-rapport għandu jinkludi kwalunkwe proposta adatta biex dan ir-Regolament jiġi emendat, inkluż l-iffissar, possibbilment, ta’ mira realistika u li tista’ tinkiseb, ibbażata fuq valutazzjoni komprensiva tal-impatt li ser tikkunsidra l-kompetittività kontinwa tal-industrija tal-vetturi kummerċjali ħfief u l-industriji li jiddipendu minnha. Meta tfassal dawn il-proposti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn ikunu kemm jista’ jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni u li jkunu soċjalment ġusti u sostenibbli.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni subparagrafu jitħassar;

(ii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tiddetermina l-parametri ta’ korrelazzjoni meħtieġa sabiex kwalunkwe bidla tiġi riflessa fil-proċedura regolatorja tal-ittestjar għall-kejl ta’ emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (*). Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament.

Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 15, u soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 17 biex tadatta l-formoli stabbiliti fl-Anness I permezz tal-użu tal-metodoloġija adottata skont l-ewwel subparagrafu, filwaqt li tiżgura li, taħt il-proċedura tal-ittestjar ġdida u dik preċedenti, ikunu meħtieġa rekwiżiti ta’ tnaqqis b’restrizzjonijiet komparabbli għall-manifatturi u vetturi ta’ utilitajiet differenti.

(*)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).”."

(6)

fl-Artikolu 14 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2a.   Fejn il-Kumitat imsemmi fil-paragrafu 1 ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”.

(7)

fil-punt 1 tal-Anness I jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

mill-2020:

Formula

fejn:

M

=

il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0

=

il-valur adottat skont l-Artikolu 13(5)

a

=

0,096.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 109.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2014.

(3)  Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1).

(4)  Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1).

(5)  Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1).

(6)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/42


REGOLAMENT (UE) Nru 254/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-2020 u li jħassar id-Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 169 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “L-Istrateġija Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (‘Ewropa 2020’) tagħmel sejħa sabiex liċ-ċittadini tingħatalhom is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq intern, li jeħtieġ li jissaħħu l-abbiltà u l-fiduċja tagħhom biex jixtru prodotti u servizzi transkonfinali, b’mod partikolari online.

(2)

L-Unjoni tikkontribwixxi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u biex il-konsumaturi jitqiegħdu fil-qalba tas-suq intern billi tappoġġa u tikkumplimenta l-politiki tal-Istati Membri b’mod li tiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu b’mod sħiħ il-benefiċċji tas-suq intern u li, b’hekk, is-sigurtà u l-interessi legali u ekonomiċi tagħhom jiġu protetti sew permezz ta’ azzjonijiet konkreti.

(3)

Il-programm pluriennali tal-konsumaturi għas-snin 2014-2020 (“il-Programm”) għandu jikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u jappoġġa bis-sħiħ l-ambizzjonijiet ta’ Ewropa 2020 fir-rigward tat-tkabbir u l-kompetittività billi jiġu integrati l-kwistjonijiet speċifiċi ta’ tħassib identifikati fl-Ewropa 2020 dwar l-aġenda diġitali għall-Ewropa sabiex jiġi żgurat li d-diġitalizzazzjoni effettivament twassal għal żieda fil-ġid tal-konsumaturi, dwar it-tkabbir sostenibbli billi nimxu lejn tendenzi ta’ konsum aktar sostenibbli, dwar l-inklużjoni soċjali billi titqies is-sitwazzjoni speċifika ta’ konsumaturi vulnerabbli u l-bżonn ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, u dwar ir-regolamentazzjoni intelliġenti fost l-oħrajn permezz ta’ azzjonijiet ta’ monitoraġġ tas-suq tal-konsumatur li jgħinu fit-tfassil ta’ regolamenti intelliġenti u mmirati.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2012 bit-titolu ‘Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej - Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir’ (l-‘Aġenda għall-Konsumaturi’), tistabbilixxi qafas strateġiku għall-politika tal-konsumaturi tal-Unjoni għas-snin li ġejjin billi tappoġġa l-interessi tal-konsumaturi fil-politiki kollha tal-Unjoni. L-għan tal-Aġenda għall-Konsumaturi huwa li tinħoloq strateġija li permezz tagħha l-azzjoni politika tappoġġa b’mod effiċjenti u effettiv lill-konsumaturi matul ħajjithom, billi tiġi żgurata s-sikurezza tal-prodotti u s-servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom, billi jiġu infurmati u edukati, billi jiġu appoġġati kopri li jirrappreżentawhom, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom, billi jingħataw aċċess għall-ġustizzja u r-rimedji u billi jiġi żgurat li l-leġislazzjoni tal-konsumaturi tkun infurzata.

(5)

It-tnaqqis riċenti fir-ritmu ekonomiku kixef għadd ta’ nuqqasijiet u inkonsistenzi fis-suq intern, li kellhom implikazzjonijiet negattivi fuq il-fiduċja tal-konsumaturi u taċ-ċittadini. Filwaqt li jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti r-restrizzjonijiet baġitarji li l-Unjoni qiegħda topera bihom bħalissa, l-Unjoni, madankollu, għandha tipprovdi mezzi finanzjarji adegwati sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri tal-Programm u għalhekk għandha tiġi appoġġata l-Ewropa 2020.

(6)

L-eliminazzjoni tal-ostakoli li fadal mhux ġustifikati u sproporzjonati għall-funzjonament xieraq tas-suq intern u t-titjib tal-fiduċja u taċ-ċittadini fis-sistema, partikolarment waqt ix-xiri transfruntiera, huma essenzjali għat-twettiq tas-suq intern. L-Unjoni għandha timmira li toħloq il-kundizzjonijiet it-tajbin biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi billi tipprovdilhom l-għodod suffiċjenti, l-għarfien u l-kompetenza biex dawn jieħdu deċiżjonijiet meqjusa u infurmati u billi żżid is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi.

(7)

Dan ir-Regolament jikkunsidra l-ambjent ekonomiku, soċjali u tekniku u l-isfidi assoċjati li qed jinħolqu. B’mod partikolari, azzjonijiet finanzjati taħt il-Programm għandhom ifittxu li jindirizzaw kwistjonijiet marbuta mal-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-livell li dejjem qed jikber tal-kumplessità tad-deċiżjonijiet li jridu jagħmlu l-konsumaturi, il-bżonn li jsiru passi lejn tendenzi ta’ konsum aktar sostenibbli, it-tixjiħ tal-popolazzjoni, l-esklużjoni soċjali u l-kwistjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. L-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi fil-politiki kollha tal-Unjoni, skont l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija prijorità kbira. Il-koordinazzjoni ma’ politiki u programmi oħra tal-Unjoni hija parti ċentrali sabiex jiġi żgurat li l-interessi tal-konsumatur jingħataw kunsiderazzjoni sħiħa f’politiki oħra. Sabiex jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni, fondi u programmi oħra tal-Unjoni għandhom jipprevedu appoġġ finanzjarju għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur fl-oqsma rispettivi tagħhom.

(8)

Il-Programm għandu jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi kollha, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli, sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ġie mitlub fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli (4). B’mod partikolari, il-Programm għandu jiżgura li konsumaturi vulnerabbli jkollhom aċċess għal informazzjoni dwar il-prodotti u s-servizzi, sabiex ikollhom opportunitajiet indaqs biex jagħmlu għażliet ħielsa u informati, speċjalment billi l-konsumaturi vulnerabbli jista’ jkollhom diffikultajiet fl-aċċess u l-fehim tal-informazzjoni tal-konsumaturi, u għalhekk jirriskjaw li jiġu żgwidati.

(9)

Il-Programm għandu b’mod partikolari jqis it-tfal, inkluż billi jaħdem mal-partijiet interessati biex jiġi żgurat l-impenn tagħhom lejn reklamar responsabbli għall-minorenni, b’mod partikolari biex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi online.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti azzjonijiet fil-Programm, li jipprovdi qafas tal-Unjoni għall-finanzjament tagħhom. F’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), dan ir-Regolament għandu jipprovdi l-bażi legali għal dawk l-azzjonijiet u għall-implimentazzjoni tal-Programm. Dan ir-Regolament ikompli jibni fuq l-azzjonijiet iffinanzjati skont id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Huwa importanti li jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur. Biex jinkiseb dak l-objettiv ġenerali, iridu jiġu stabbiliti objettivi speċifiċi rigward is-sigurtà, l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-konsumatur u l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, id-drittijiet u r-rimedji kif ukoll l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur. Il-valur u l-impatt tal-miżuri meħudin taħt il-Programm għandhom jiġu monitorjati u evalwati regolarment sabiex jiġi ffaċilitat tfassil ta’ politika aktar intelliġenti fl-interess tal-konsumaturi. Sabiex tiġi evalwata l-politika tal-konsumatur u b’mod partikolari l-impatt preċiż tal-miżuri meħuda, għandhom jiġu żviluppati indikaturi, li madankollu l-valur tagħhom għandu jitqies f’kuntest usa’.

(12)

Huwa importanti li tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur. Sabiex jintlaħaq dak l-objettiv, jeħtieġ li jissaħħaħ il-kamp ta’ applikazzjoni għal azzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ finanzjarju xieraq lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u ċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi, b’kont meħud tar-rwol prinċipali tagħhom li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi fir-rigward tad-drittijiet tagħhom, jappoġġaw lill-konsumaturi fit-tilwim tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal mekkaniżmi xierqa għas-soluzzjoni għat-tilwim, u jippromwovu l-interessi tal-konsumaturi fil-funzjonament korrett tas-suq intern. Dawk l-organizzazzjonijiet u ċ-ċentri għandu jkollhom il-kapaċità li jtejbu l-protezzjoni u l-fiduċja tal-konsumaturi billi jaġixxu skont il-każ u jagħtu għajnuna, informazzjoni u edukazzjoni personalizzata għall-individwu.

(13)

Jeħtieġ li jiġu stipulati l-azzjonijiet eliġibbli li permezz tagħhom jinkisbu dawk l-objettivi.

(14)

Jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-kategoriji tal-benefiċjarji potenzjali eliġibbli għall-għotjiet.

(15)

F’dan ir-Regolament hemm inkluż ammont ta’ referenza finanzjarja għall-Programm, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7), mingħajr ma s-setgħat baġitarji tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif stabbiliti fit-TFUE, jiġu affettwati b’dan.

(16)

Fl-ispirtu tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, ta’ trasparenza u flessibbiltà fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-kontinwazzjoni tal-aġenzija eżekuttiva għandha tkun permissibbli jekk ikunu sodisfatti r-rekwiżiti kollha stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (8).

(17)

In-nefqa tal-fondi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fil-qasam tas-sikurezza tal-konsumaturi, l-edukazzjoni, id-drittijiet u l-infurzar għandha tkun koordinata aħjar sabiex tiġi żgurata l-kumplimentarjetà, l-effiċjenza u l-viżibbiltà aħjar, kif ukoll biex jinkisbu sinerġiji baġitarji aħjar.

(18)

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea jipprovdi għal kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li qed jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, min-naħa l-oħra. Għandu jsir provvediment biex il-Programm jinfetaħ għall-parteċipazzjoni minn pajjiżi oħra, b’mod partikolari l-pajjiżi tal-viċinat tal-Unjoni u pajjiżi li qed japplikaw għal sħubija fl-Unjoni jew li huma kandidati għaliha jew li qegħdin fil-proċess ta’ adeżjoni.

(19)

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm, u fid-dawl tal-globalizzazzjoni tal-katina ta’ produzzjoni u l-interdipendenza li dejjem qed tikber tas-swieq, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm għandha tkun inkoraġġita, b’kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim rilevanti bejn dawk il-pajjiżi u l-Unjoni.

(20)

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-indikaturi stabbiliti fl-Anness II sabiex jitqiesu l-bidliet fil-qafas leġislattiv fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, u fir-rigward tal-emendar tal-Anness I billi jitneħħew azzjonijiet speċifiċi kkonċernati sabiex jitqiesu r-riżultati ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa tul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inklużi dawk fil-livell espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(21)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Minħabba li l-Programm ma jistabbilixxix kriterji għas-sigurtà tal-prodotti iżda jimmira li jipprovdi sostenn finanzjarju lill-għodda għall-implimentazzjoni tal-politika dwar is-sigurtà tal-prodotti, u minħabba l-ammont relattivament żgħir kkonċernat, huwa adegwat li tiġi applikata l-proċedura konsultattiva.

(22)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu kollu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa ħażin jew użati skorrettament u, fejn xieraq, penali amministrattivi u finanzjarji f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(23)

Minħabba li l-objettivi tar-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba n-natura transkonfinali tal-kwistjonijiet involuti, iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-potenzjal akbar tal-azzjoni tal-Unjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilt f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(24)

Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE għandha titħassar.

(25)

Huwa xieraq li tiġi żgurata transizzjoni mingħajr xkiel bejn il-programm ta’ azzjoni tal-Komunità fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u dan il-Programm, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-miżuri pluriennali u l-evalwazzjoni tas-suċċessi u l-oqsma tal-programm preċedenti li jeħtieġu aktar attenzjoni. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li t-tul ta’ dan il-Programm jsir jaqbel ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-sena 2014-2020 stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan il-Programm għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-approprjazzjonijiet tal-assistenza teknika u amministrattiva għandhom ikopru, jekk ikun meħtieġ, l-infiq relatat mal-ġestjoni tal-azzjonijiet mhux lesti sal-aħħar tal-2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Programm pluriennali tal-konsumaturi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm pluriennali tal-konsumaturi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2020 (“il-Programm”).

Artikolu 2

Objettiv ġenerali

L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li jagħti s-setgħa lill-konsumaturi u jqiegħed lill-konsumatur fil-qalba tas-suq intern, fil-qafas tal-istrateġija ġenerali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-Programm jagħmel dan l billi jikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi legali u ekonomiċi tal-konsumaturi, kif ukoll billi jippromwovi d-dritt tagħhom għall-informazzjoni, l-edukazzjoni u biex jorganizzaw lilhom infushom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom, u jappoġġa l-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’oqsma ta’ politika oħrajn. Il-Programm għandu jikkumplimenta, jappoġġa u jimmonitorja l-politiki tal-Istati Membri.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi u indikaturi

1.   L-objettiv ġenerali msemmi fl-Artikolu 2 għandu jiġi realizzat permezz tal-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a)

Objettiv I - Sigurtà: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz tal-attività u l-effettività tas-sistema ta’ twissija bikrija tal-UE għal prodotti tal-konsumaturi perikolużi (RAPEX).

(b)

Objettiv II - Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur: biex tittejjeb l-edukazzjoni, l-informazzjoni tal-konsumaturi u l-kuxjenza dwar drittijiethom, biex tiġi żviluppata l-bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, inkluża kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi vulnerabbli.

(ċ)

Objettiv III - Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumatur b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż is-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz ta’ rikors għal soluzzjoni alternattiva għat-tilwim biex jissolvew tilwimiet transkonfinali u permezz tal-attività ta’ sistemi tas-soluzzjoni online għat-tilwim madwar l-Unjoni, u permezz tal-perċentwal ta’ konsumaturi li jieħdu azzjoni meta jiltaqgħu ma’ problema.

(d)

Objettiv IV - Infurzar: ikun sostnut l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi jingħata appoġġ lill-konsumaturi permezz ta’ pariri.

Dan l-objettiv ser jitkejjel b’mod partikolari permezz tal-livell ta’ fluss ta’ informazzjoni u l-effettività tal-kooperazzjoni fin-Netwerk għall-Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur, l-attività taċ-Ċentri tal-Konsumaturi Ewropej u kemm huma magħrufa mal-konsumaturi.

Informazzjoni u parteċipazzjoni tal-konsumaturi ta’ kwalità għolja huma prijorità transettorjali u għalhekk, iridu jkunu previsti b’mod speċifiku, kull meta possibbli, fl-objettivi u fl-azzjonijiet settorjali kollha ffinanzjati mill-Programm.

2.   Id-deskrizzjoni tal-indikaturi hija stabbilita fl-Anness II.

3.   Il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 sabiex tadatta l-indikaturi stabbiliti fl-Anness II.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

L-objettivi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jinkisbu permezz tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti f’din il-lista:

(a)

taħt l-objettiv I - Sigurtà:

(1)

pariri xjentifiċi u analiżi tar-riskju rilevanti għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi dwar il-prodotti mhux alimentari u servizzi inkluż l-appoġġ lill-attivitajiet tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE (11);

(2)

il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar dwar is-sigurtà tal-prodotti fir-rigward tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill (12), u azzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tas-servizzi għall-konsumatur;

(3)

il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ databases dwar il-kożmetiċi;

(b)

taħt l-objettiv II - Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur:

(4)

il-bini u t-titjib tal-aċċess tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika f’oqsma li jaffettwaw il-konsumaturi, sabiex titfassal regolamentazzjoni intelliġenti u mmirata u jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew il-bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun ipprovduta bażi għall-iżvilupp tal-politika tal-konsumatur, għall-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar problematiċi għall-konsumaturi u għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’politiki oħrajn tal-Unjoni;

(5)

l-appoġġ permezz tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-bini ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, permezz ta’ żieda fit-trasparenza u t-titjib tal-iskambji tal-aħjar prattika u kompetenzi;

(6)

it-tisħiħ tat-trasparenza tas-suq tal-konsumatur u tal-informazzjoni tal-konsumatur, billi jiġi żgurat li l-konsumaturi għandhom data li tista’ titqabbel, affidabbli u li hija faċilment aċċessibbli, anki għall-każijiet ta’ natura transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jqabblu mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi;

(7)

it-tisħiħ tal-edukazzjoni tal-konsumatur bħala proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli;

(ċ)

taħt l-objettiv III – Drittijiet u rimedji:

(8)

it-tħejjija mill-Kummissjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur u inizjattivi regolatorji oħra, il-monitoraġġ tat-traspożizzjoni mill-Istati Membri u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-impatt tagħha, kif ukoll il-promozzjoni ta’ inizjattivi koregolatorji u awtoregolatorji u l-monitoraġġ tal-impatt reali ta’ dawk l-inizjattivi dwar is-swieq tal-konsumaturi;

(9)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi b’mod partikolari għal skemi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim, inkluż permezz ta’ sistema online għall-Unjoni kollha u n-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali alternattivi għas-soluzzjoni għat-tilwim, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil miżuri adegwati għall-ħtiġijiet u d-drittjiet tal-konsumaturi vulnerabbli; il-monitoraġġ tal-funzjonament u l-effettività ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, inkluż permezz tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod rilevanti tal-IT, u l-iskambju tal-aħjar prattiki attwali u l-esperjenza eżistenti fl-Istati Membri;

(d)

taħt l-objettiv IV — Infurzar:

(10)

il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u infurzar fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(11)

kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma’ korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ qligħ li jikkostitwixxu netwerks tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni xierqa għat-tilwim, inkluż skemi ta’ soluzzjoni online barra mill-qorti (in-Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur).

Fejn applikabbli, l-azzjonijiet eliġibbli li jidhru fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huma speċifikati aktar fl-Anness I billi jiġu elenkati azzjonijiet speċifiċi taħthom.

Artikolu 5

Benefiċjarji eliġibbli għal għotjiet

1.   Jistgħu jingħataw għotjiet għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni lil organizzazzjonijiet tal-konsumatur Ewropej li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti mill-interess tal-industrija, kummerċjali u tan-negozju jew interessi konfliġġenti oħra, u għandhom bħala objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi fl-Unjoni;

(b)

ikollhom mandat biex jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi fil-livell tal-Unjoni minn organizzazzjonijiet mill-anqas f’nofs l-Istati Membri li huma rappreżentattivi, skont ir-regoli jew il-prattika nazzjonali, tal-konsumaturi, u li huma attivi fil-livell reġjonali jew nazzjonali.

2.   Għotjiet mogħtija għall-funzjonament ta’ korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti mill-interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi konfliġġenti oħra, u għandhom bħala objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tas-saħħa, is-sigurtà u l-interessi ekonomiċi u legali tal-konsumaturi;

(b)

jeżerċitaw l-attivitajiet kollha li ġejjin: jipprovdu mekkaniżmu formali għar-rappreżentanti tal-konsumatur mill-Unjoni u minn pajjiżi terzi biex jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet politiċi u fil-politiki, jorganizzaw laqgħat mal-uffiċjali tal-politika u mar-regolaturi biex jippromwovu u jiddefendu l-interessi tal-konsumatur mal-awtoritajiet pubbliċi, jidentifikaw kwistjonijiet u sfidi komuni b’rabta mal-konsumatur, jippromwovu l-perspettivi tal-konsumaturi fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, jikkontribwixxu għall-iskambju u d-disseminazzjoni tal-konoxxenza esperta u tal-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur fl-Unjoni u fil-pajjiżi terzi, u jipproduċu rakkomandazzjonijiet għall-politika.

3.   Għotjiet għall-funzjonament tal-korpi fil-livell tal-Unjoni stabbiliti għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti jistgħu jingħataw lill-korpi rikonoxxuti għal dan il-għan mil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

4.   Għotjiet għal azzjoni lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, tal-aħjar prattiki u linji gwida għall-paragun ta’ prezzijiet, ta’ kwalità tal-prodotti u ta’ sostenibbiltà jistgħu jingħataw lill-korpi li jikkonformaw mal-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

ikunu nongovernattivi, mingħajr skop ta’ qligħ, indipendenti minn interessi industrijali, kummerċjali u tan-negozju jew interessi oħrajn konfliġġenti, u għandhom fost l-objettivi u attivitajiet primarji tagħhom il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi;

(b)

ikunu attivi f’mill-inqas nofs l-Istati Membri.

5.   Għotjiet għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-Presidenza li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, jew lil korpi magħżula minn dak l-Istat Membru.

6.   Għotjiet għal azzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet korrispondenti ta’ pajjiżi terzi jistgħu jingħataw lill-awtoritajiet innotifikati lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jew id-Direttiva 2001/95/KE minn Stat Membru jew minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, jew lil korpi mingħajr skop ta’ qligħ magħżula b’mod speċifiku minn dawk l-awtoritajiet għal dak il-għan.

7.   Għotjiet lil uffiċjali tal-infurzar mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi jistgħu jingħataw lill-uffiċjali minn awtoritajiet innotifikati lill-Kummissjoni għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 jew id-Direttiva 2001/95/KE minn Stat Membru jew minn pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament.

8.   Għotjiet għal azzjoni jistgħu jingħataw lil korp maħtur minn Stat Membru jew pajjiż terz imsemmi fl-Artikolu 7 li huwa mingħajr skop ta’ qligħ magħżul permezz ta’ proċedura trasparenti jew korp pubbliku. Il-korp maħtur għandu jkun parti minn netwerk tal-Unjoni li jipprovdi informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni xierqa ta’ tilwim (Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur). Jista’ jiġi stabbilit qafas ta sħubija bħala mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fuq perjodu twil bejn il-Kummissjoni u n-Netwerk Ewropew ta’ Ċentri tal-Konsumatur u/jew il-korpi kostituttivi tiegħu.

9.   Għotjiet għal azzjoni jistgħu jingħataw lil korpi responsabbli mill-ilmenti stabbiliti fl-Istati Membri tal-Unjoni jew li joperaw fihom, u f’pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, li huma responsabbli mill-ġbir tal-ilmenti tal-konsumaturi, jew milli jippruvaw isolvu t-tilwim, jew li jagħtu pariri, jew jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi dwar ilmenti jew investigazzjonijiet, u li huma parti terza għal ilment jew investigazzjoni minn konsumatur rigward kummerċjant. Huma ma għandhomx jinkludu mekkaniżmi ta’ trattament ta’ lmenti minn konsumaturi operati minn kummerċjanti u li jittrattaw investigazzjonijiet u lmenti direttament mal-konsumatur, jew mekkaniżmi li jipprovdu servizzi ta’ trattament ta’ lmenti mħaddma minn kummerċjanti, inkella mħaddma f’isimhom.

Artikolu 6

Qafas Finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għandu jkun ta’ EUR 188 829 000 fi prezzijiet attwali.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi fil-Programm

Il-parteċipazzjoni fil-Programm għandha tkun miftuħa għal:

(a)

pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk aderenti u kandidati kif ukoll dawk li huma potenzjalment kandidati, u pajjiżi li tapplika għalihom il-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-Ftehimiet ta’ Qafas rispettivi, id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew ftehimiet simili.

Artikolu 8

Tipi ta’ intervent u livell massimu ta’ kofinanzjament

1.   Skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni jistgħu jieħdu l-għamla jew ta’ għotjiet jew ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kwalunkwe intervent ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-għotjiet mill-Unjoni u l-livelli massimi korrispondenti tagħhom huma kif ġej:

(a)

għotjiet għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 5(1), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(b)

għotjiet għall-funzjonament tal-korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Programm, kif definiti fl-Artikolu 5(2), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(ċ)

għotjiet għall-funzjonament tal-korpi fil-livell tal-Unjoni stabbiliti għall-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodott u rikonoxxuti għal dan il-għan mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, kif definiti fl-Artikolu 5(3), li ma jaqbżux il-95 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(d)

għotjiet għal azzjoni lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, tal-aħjar prattiki, ta’ linji gwida għall-paragun tal-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà, kif definiti fl-Artikolu 5(4), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(e)

għotjiet għall-organizzazzjoni ta’ avvenimenti tal-Presidenza li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni lil awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, jew lil korpi magħżula minn dak l-Istat Membru, li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(f)

għotjiet għal azzjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-affarijiet tal-konsumatur u lill-awtoritajiet korrispondenti f’pajjiżi terzi li qed jipparteċipaw skont l-Artikolu 7, kif definiti fl-Artikolu 5(6), li ma jaqbżux il-50 % tal-ispejjeż eliġibbli, minbarra fil-każ ta’ azzjonijiet ta’ utilità eċċezzjonali, li f’dak il-każ il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-ispejjeż eliġibbli ma għandhiex taqbeż is-70 %;

(g)

għotjiet mogħtija għall-iskambju ta’ uffiċjali tal-infurzar mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi li jipparteċipaw skont l-Artikolu 7, kif definit fl-Artikolu 5(7), li jkopru allokazzjonijiet ta’ flus għall-ivvjaġġar u għall-għajxien;

(h)

għotjiet għal azzjoni lil korpi maħturin mill-Istati Membri jew pajjiż terz msemmi fl-Artikolu 7, kif definiti fl-Artikolu 5(8), li ma jaqbżux is-70 % tal-ispejjeż eliġibbli;

(i)

għotjiet għal azzjoni lil korpi responsabbli mit-trattament tal-ilmenti tal-konsumatur, kif definiti fl-Artikolu 5(9), li ma jaqbżux it-50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

3.   L-azzjonijiet għandhom jitqiesu bħala utilità eċċezzjonali kif imfissra fil-punt (f) tal-paragrafu 2 fejn:

(a)

fir-rigward tal-għotjiet mogħtija lill-awtoritajiet u nnotifikati lill-Kummissjoni għall-iskopijiet tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, ikunu jinvolvu mill-inqas sitt Stati Membri jew jikkonċernaw ksur li jikkawża jew għandu mnejn jikkawża ħsara f’żewġ Stati Membri jew aktar;

(b)

rigward l-għotjiet mogħtija lill-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà tal-prodott tal-konsumatur, huma jinvolvu mill-inqas għaxar Stati Membri li qed jieħdu sehem fin-netwerk Ewropew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għas-sigurtà tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2001/95/KE jew jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti tal-konsumatur li ġew previsti f’att legali tal-Unjoni.

Artikolu 9

Assistenza amministrattiva u teknika

1.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista’ tkopri wkoll spejjeż li għandhom x’jaqsmu ma’ attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni tal-Programm u l-kisba tal-objettivi tiegħu, fost l-oħrajn il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sa fejn huma relatati mal-objettivi ġenerali ta’ dan ir-Regolament, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha ta’ assistenza teknika u amministrattiva mġarrba mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-Programm.

2.   L-ammont totali allokat sabiex ikopri l-ispejjeż relatati ma’ attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditjar u ta’ evalwazzjoni kif ukoll mal-assistenza teknika u amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1, ma għandux jaqbeż it-12 % tal-pakkett finanzjarju allokat lill-Programm.

Artikolu 10

Metodi ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni timplimenta l-Programm permezz ta’ modi ta’ ġestjoni msemmija fl-Artikolu 58 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 11

Konsistenza u kumplimentarjetà ma’ politiki oħra

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà ġenerali bejn il-Programm u politiki, strumenti u azzjonijiet oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari skont il-programm pluriennali “Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza” 2014-2020 (14).

Artikolu 12

Programmi ta’ ħidma annwali

Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm permezz ta’ programmi ta’ ħidma annwali. Il-programmi ta’ ħidma annwali għandhom jimplimentaw l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 u speċifikati aktar fl-Anness I, b’mod konsistenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma annwali fil-forma ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jistabbilixxu l-elementi previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u b’mod partikolari:

(a)

l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 4 u l-Anness I ta’ dan ir-Regolament, u l-allokazzjoni indikattiva tar-riżorsi finanzjarji;

(b)

l-iskeda taż-żmien tas-sejħiet għall-offerti u s-sejħiet għall-proposti ppjanati.

Artikolu 13

Evalwazzjoni u disseminazzjoni

1.   Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jippreżentawlha informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-impatt ta’ dan il-Programm.

2.   Il-Kummissjoni għandha:

(a)

sat-30 ta’ Settembru 2017:

(i)

tirrivedi kif inkisbu l-objettivi tal-miżuri kollha (fil-livell tar-riżultati u l-impatti), l-istat attwali rigward l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 4 u l-azzjonijiet speċifiċi msemmija fl-Anness I, l-allokazzjoni tal-fondi lill-benefiċjarji f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur Ewropew miżjud tagħha, filwaqt li jitqiesu żviluppi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-konsumatur, bl-għan ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid u l-modifikazzjoni jew is-sospensjoni tal-miżuri;

(ii)

tippreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni dwar ir-reviżjoni magħmula lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill;

(b)

sal-31 ta’ Diċembru 2017, jekk xieraq, tippreżenta proposta leġislattiva jew, soġġett għall-paragrafu 3, tadotta att delegat.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu, barra minn hekk, jindirizza l-ambitu għas-simplifikazzjoni, il-koerenza interna u esterna tiegħu, ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi kollha, kif ukoll il-kontribut tal-miżuri għall-prijoritajiet tal-Unjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huwa għandu jqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni fuq l-impatt fit-tul tal-programm preċedenti.

L-impatti fuq medda itwal ta’ żmien u s-sostenibbiltà tal-effetti tal-Programm għandhom jiġu evalwati bil-għan li jwasslu għal deċiżjoni dwar it-tiġdid, il-modifika jew is-sospensjoni ta’ programm sussegwenti.

3.   Sabiex titqies is-sitwazzjoni li permezz tagħha r-rapport ta’ evalwazzjoni skont il-paragrafu 2 jikkonkludi li l-azzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Anness I ma ġewx implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2016 u ma jistgħux jiġu implimentati sal-aħħar tal-Programm, inkluż meta dawk l-azzjonijiet speċifiċi mhumiex rilevanti aktar biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 u 3, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 15 sabiex jiġi emendat l-Anness I billi jitneħħew l-azzjonijiet speċifiċi kkonċernati.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati tal-azzjonijiet imwettqa skont dan ir-Regolament disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 14

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati azzjonijiet finanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu mħarsa bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, permezz tal-irkupru tal-ammonti mħallsa skorrettament u, fejn adatt, permezz ta’ penali amministrattivi u finanzjarji proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri b’dan għandhom is-setgħa ta’ awditjar, abbażi ta’ dokumenti u kontrolli fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għajnuna finanzjarja, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha li rċevew fondi tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jagħmel investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u ispezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (16) bil-għan li jiġi stabbilit li kien hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività oħra illegali li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta ma’ ftehim ta’ għotja jew deċiżjoni ta’ għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u deċiżjonijiet ta’ għotja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom b’mod espliċitu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-OLAF biex jagħmlu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 15

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati hija b’dan mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 13(2a) hija mogħtija lill-Kummissjoni għall-perjodu tal-Programm.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3(3) u fl-Artikolu 13(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 13(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li ma kinux ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġġedded b’xahrejn oħra fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Miżuri tranżizzjonali

1.   L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE għandu jibqa’ japplika għall-azzjonijiet koperti minn dik id-Deċiżjoni li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2013. Għaldaqstant, l-allokazzjoni finanzjarja għall-Programm tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż għal assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE u l-Programm.

2.   Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit wara l-31 ta’ Diċembru 2020 biex ikopru dawn l-ispejjeż stipulati fl-Artikolu 9, biex jippermettu l-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Artikolu 18

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE hija b’dan imħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u d-data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 217.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2014.

(4)  ĠU C 264E, 13.9.2013, p. 11.

(5)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(6)  Deċiżjoni (KE) Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi programm ta’ azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-konsumatur (2007-2013) (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 01, Vol 04, p. 235).

(9)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/721/KE tal-5 ta’ Awwissu 2008 li twaqqaf Struttura Konsultattiva ta’ Kumitati Xjentifiċi u esperti fil-qasam tas-sigurtà tal-konsumatur, is-saħħa pubblika u l-ambjent u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2004/210/KE (ĠU L 241,10.9.2008, p. 21; verżjoni MT: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 1).

(12)  Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 15, Vol 06, p. 447).

(13)  Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1).

(14)  Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm tad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62).

(15)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(16)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2; Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 09 Volum 01 p. 303).


ANNESS I

TIPI TA’ AZZJONI

Objettiv I

Sigurtà: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni

1.

Pariri xjentifiċi u analiżi tar-riskju rilevanti għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumatur fir-rigward ta’ prodotti u servizzi mhux tal-ikel inkluż appoġġ għall-kompiti tal-kumitati xjentifiċi indipendenti stabbiliti bid-Deċiżjoni 2008/721/KE.

2.

Koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ infurzar dwar is-sigurtà tal-prodotti fir-rigward tad-Direttiva 2001/95/KE, u azzjonijiet għat-titjib tas-sigurtà tas-servizzi għall-konsumatur:

(a)

l-iżvilupp, il-modernizzazzjoni u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT (bħal databases, sistemi tal-informatika u l-komunikazzjoni) b’mod partikolari sabiex tkun tista’ titjieb l-effiċjenza tas-sistemi eżistenti permezz taż-żieda fil-possibbilitajiet ta’ esportazzjoni tad-data, ta’ assortiment u estrazzjoni tal-istatistika kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-iskambju u l-użu elettroniku tad-data bejn l-Istati Membri;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ seminars, konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat għall-partijiet interessati u l-esperti dwar ir-riskji u l-infurzar fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti;

(c)

skambji ta’ uffiċjali tal-infurzar u taħriġ li jiffoka fuq l-integrazzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju;

(d)

azzjonijiet ta’ kooperazzjoni konġunti u speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u s-servizzi tal-konsumatur mhux tal-ikel, skont id-Direttiva 2001/95/KE;

(e)

monitoraġġ u valutazzjoni tas-sigurtà ta’ prodotti u servizzi mhux tal-ikel, inkluż il-bażi tal-għarfien għal standards ulterjuri jew jiġu stabbiliti punti oħra ta’ refernza tas-sigurtà, u kjarifika tar-rekwiżiti tat-traċċabbiltà;

(f)

kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar u kooperazzjoni għat-traċċabbiltà ta’ prodotti, u żvilupp ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ma’ pajjiżi terzi minbarra dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, inklużi ma’ dawk il-pajjiżi terzi li minnhom joriġinaw il-biċċa l-kbira tal-prodotti notifikati fl-Unjoni għal nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni tal-Unjoni;

(g)

appoġġ lill-korpi rikonoxxuti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ infurzar bejn l-Istati Membri.

3.

Il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta’ databases dwar il-kożmetiċi

(a)

il-manutenzjoni tal-Portal għan-notifikazzjoni tal-Prodotti Kożmetiċi mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(b)

il-manutenzjoni tad-database dwar il-kożmetiċi bħala appoġġ lill-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009.

Objettiv II

li jitjiebu l-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom, li tiġi żviluppata bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, billi jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi tal-konsumaturi vulnerabbli Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur, u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur

4.

Il-bini u t-titjib tal-aċċess tal-bażi ta’ evidenza għat-tfassil tal-politika f’oqsma li jaffettwaw il-konsumaturi, sabiex titfassal regolamentazzjoni intelliġenti u mmirata u jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew il-bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi, sabiex tkun provduta bażi għall-iżvilupp tal-politika tal-konsumatur, għall-identifikazzjoni tal-oqsma l-aktar problematiċi għall-konsumaturi u għall-integrazzjoni tal-interessi tal-konsumatur f’politiki oħrajn tal-Unjoni, inkluż:

(a)

studji u analiżi madwar l-Unjoni dwar il-konsumaturi u s-swieq tal-konsumaturi sabiex jitfasslu regolamenti intelliġenti u mmirati, biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli fil-funzjonament tas-suq jew bidliet fil-bżonnijiet tal-konsumaturi;

(b)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ databases, b’mod partikolari ħalli d-data miġbura titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati (bħal organizzazzjonijiet tal-konsumatur, awtoritajiet nazzjonali u riċerkaturi);

(c)

l-iżvilupp u l-analiżi ta’ evidenza statistika nazzjonali u evidenza oħra rilevanti. Il-ġbir, b’mod partikolari, ta’ dejta u indikaturi nazzjonali dwar il-prezzijiet, l-ilmenti, l-infurzar, ir-rimedji, eċċ. għandu jiġi żviluppat f’kollaborazzjoni ma’ partijiet interessati nazzjonali.

5.

L-appoġġ permezz tal-finanzjament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni u permezz tal-bini ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali, permezz ta’ żieda fit-trasparenza u t-titjib tal-iskambji tal-aħjar prattika u kompetenzi

(a)

kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-funzjonament tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur tal-livell tal-Unjoni li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumatur skont l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-bini tal-kapaċità għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur reġjonali, nazzjonali u Ewropej, notevolment permezz ta’ taħriġ disponibbli f’diversi lingwi u madwar l-Unjoni u skambju tal-aħjar prattika u l-kompetenzi għall-membri tal-persunal, b’mod partikolari għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi Stati Membri fejn mhumiex żviluppati biżżejjed jew li juru livell relattivament baxx ta’ fiduċja u kuxjenza tal-konsumatur kif evidenzjat bil-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur u tal-ambjent tal-konsumatur fl-Istati Membri;

(c)

aktar trasparenza u aktar skambji tal-aħjar prattiki u tal-kompetenzi, b’mod partikolari permezz ta’ netwerking imsaħħaħ, assistit mill-ħolqien ta’ portal online għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, li joffri spazju interattiv u żona ta’ netwerking, u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom bla ħlas il-materjal żviluppat waqt it-taħriġ;

(d)

appoġġ lil korpi internazzjonali li jippromwovu l-prinċipji u l-politiki li huma konsistenti mal-objettivi tal-Programm.

6.

Tisħiħ tat-trasparenza tas-swieq tal-konsumatur u tal-informazzjoni tal-konsumatur, billi jiġi żgurat li l-konsumaturi jkollhom data li tista’ titqabbel, affidabbli, u li hija faċilment aċċessibbli, anki għall-każijiet ta’ natura transkonfinali, sabiex ikunu jistgħu jqabblu mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-kwalità u s-sostenibbiltà tal-prodotti u s-servizzi

(a)

kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet li jaffettwaw lill-konsumaturi, inkluż permezz ta’ azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri;

(b)

azzjonijiet li jsaħħu t-trasparenza tas-swieq tal-konsumaturi fir-rigward ta’, pereżempju, il-prodotti finanzjarji fil-livell tal-konsum, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u dik diġitali, it-trasport;

(c)

azzjonijiet li jiffaċilitaw l-aċċess tal-konsumaturi għall-informazzjoni rilevanti li hija komparabbli, affidabbli u faċilment aċċessibbli dwar il-prodotti, is-servizzi u s-swieq, b’mod partikolari dwar il-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà ta’ prodotti u servizzi, kemm jekk offline jew online, pereżempju permezz ta’ paragun ta’ siti web u azzjonijiet li jiżguraw il-kwalità għolja u l-affidabbiltà ta’ siti web bħal dawn, inkluż għal xiri transkonfinali;

(d)

azzjonijiet li jsaħħu l-aċċess tal-konsumaturi għal informazzjoni dwar il-konsum sostenibbli tal-prodotti u s-servizzi;

(e)

appoġġ lil attivitajiet li jikkonċernaw il-politika tal-konsumatur tal-Unjoni li jkunu organizzati mill-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, barra dik tal-Affarijiet Barranin, dwar kwistjonijiet li jsegwu l-prijoritajiet stabbiliti tal-politika tal-Unjoni;

(f)

kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-korpi nazzjonali responsabbli mill-ilmenti bħala għajnuna għall-użu ta’ metodoloġija armonizzata għall-ikklassifikar u r-rappurtar ta’ ilmenti tal-konsumatur u ta’ inkjesti;

(g)

appoġġ lil korpi madwar l-Unjoni għall-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta, l-aħjar prattiki u linji gwida għall-ipparagunar tal-prezzijiet, il-kwalità u s-sostenibbiltà, inkluż permezz ta’ siti web li jqabblu l-prezzijiet;

(h)

appoġġ għall-komunikazzjoni dwar il-kwistjonijiet tal-konsumatur, inkluż billi tiġi inkoraġġita d-disseminazzjoni mill-mezzi tal-informazzjoni, ta’ informazzjoni korretta u rilevanti dwar kwistjonijiet tal-konsumatur.

7.

Tisħiħ tal-edukazzjoni tal-konsumatur bħala proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli

(a)

l-iżvilupp ta’ pjattaforma interattiva għall-iskambju tal-aqwa prattiki u ta’ materjal għal edukazzjoni tul il-ħajja tal-konsumatur b’attenzjoni partikolari għall-konsumaturi vulnerabbli li għandhom diffikultajiet biex jaċċedu għall-informazzjoni tal-konsumatur u jifhmuha, sabiex jiġi żgurat li huma ma jingħatawx informazzjoni mhux korretta;

(b)

l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ edukazzjoni u materjali f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati bħal awtoritajiet nazzjonali, għalliema, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk attivi fil-livell bażiku, b’mod partikolari billi jintużaw pereżempju, ġbir, kumpilazzjoni, traduzzjoni u diffużjoni ta’ materjali prodotti fil-livell nazzjonali jew għal inizjattivi preċedenti, dwar diversi mezzi tal-informazzjoni inklużi dawk diġitali, dwar pereżempju d-drittijiet tal-konsumatur inkluż kwistjonijiet transkonfinali, is-saħħa u s-sigurtà, il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-konsumatur, il-konsum sostenibbli u etiku inklużi skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni, litteriżmu finanzjarju u fil-mezzi tal-informazzjoni.

Objettiv III

Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumaturi b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż soluzzjoni alternattiva tat-tilwim

8.

It-tħejjija mill-Kummissjoni ta’ leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur u inizjattivi regolatorji oħra, is-sorveljar tat-traspożizzjoni mill-Istati Membri u l-evalwazzjoni sussegwenti tal-impatt tagħha, kif ukoll il-promozzjoni ta’ inizjattivi koregolatorji u awtoregolatorji u s-sorveljar tal-impatt reali ta’ dawk l-inizjattivi fuq is-swieq tal-konsumaturi, inkluż:

(a)

studji u attivitajiet ta’ regolamentazzjoni intelliġenti bħal evalwazzjonijiet ex ante u ex-post, valutazzjonijiet tal-impatt, konsultazzjonijiet mal-pubbliku, evalwazzjoni u simplifikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti;

(b)

seminars, konferenzi, workshops u laqgħat ta’ partijiet interessati u esperti;

(c)

żvilupp u manutenzjoni ta’ databases aċċessibbli faċilment u pubblikament li jkopru l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur;

(d)

evalwazzjoni tal-azzjonijiet meħudin taħt il-Programm.

9.

Faċilitazzjoni tal-aċċess għal mekkaniżmi ta’ soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, b’mod partikolari għal skemi alternattivi ta’ soluzzjoni għat-tilwim, inkluż permezz ta’ sistema online madwar l-Unjoni u n-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali alternattivi għas-soluzzjoni għat-tilwim, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil miżuri adegwati għall-ħtiġijiet u d-drittjiet tal-konsumaturi vulnerabbli; il-monitoraġġ tal-funzjonament u l-effettività ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni għat-tilwim għall-konsumaturi, ukoll permezz tal-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod rilevanti tal-IT, u l-iskambju tal-aħjar prattiki attwali u l-esperjenza eżistenti fl-Istati Membri

(a)

l-iżvilupp u manutenzjoni ta’ għodod tal-IT;

(b)

appoġġ lill-iżvilupp ta’ sistema ta’ soluzzjoni online għat-tilwim madwar l-Unjoni kollha u l-manutenzjoni tagħha, inkluż għal servizzi assoċjati bħalma hi t-traduzzjoni;

(c)

appoġġ għan-netwerking ta’ entitajiet nazzjonali tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, u għall-iskambju u d-disseminazzjoni tal-prattiki tajbin u l-esperjenzi tagħhom;

(d)

l-iżvilupp ta’ għodod speċifiċi għall-iffaċilitar tal-aċċess tal-persuni vulnerabbli għar-rimedji, li huma anqas imħajra li jirrikorru għar-rimedji.

Objettiv IV

Infurzar: li jkun sostnut l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi l-konsumaturi jiġu sostnuti permezz ta’ pariri

10.

Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet ta’ sorveljanza u infurzar fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004, inkluż:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT (bħal databases, sistemi tal-informatika u komunikazzjoni);

(b)

azzjonijiet għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kif ukoll koordinazzjoni tal-monitoraġġ u l-infurzar bħal skambji ta’ uffiċjali tal-infurzar, attivitajiet komuni, taħriġ għall-uffiċjali tal-infurzar u għall-membri tal-ġudikatura;

(c)

l-organizzazzjoni ta’ seminars, konferenzi, workshops u laqgħat tal-partijiet interessati u tal-esperti dwar l-infurzar;

(d)

kooperazzjoni amministrattiva u ta’ infurzar ma’ pajjiżi terzi li mhumiex qed jipparteċipaw fil-Programm u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

11.

Kontribuzzjonijiet finanzjarji għal azzjonijiet konġunti ma’ korpi pubbliċi jew mingħajr skop ta’ qligħ li jikkostitwixxu netwerks tal-Unjoni li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-konsumaturi biex jgħinuhom jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim xierqa, inkluż skemi ta’ soluzzjoni online barra mill-qorti (Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur), li jkopru wkoll:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ għodod tal-IT, bħal databases, sistemi tal-informatika u l-komunikazzjoni, neċessarji għall-funzjonament tajjeb tan-Netwerk ta’ Ċentri Ewropej għall-Konsumatur;

(b)

azzjonijiet biex jgħollu l-profil u jżidu l-viżibbiltà taċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur.


(1)  Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).


ANNESS II

INDIKATURI SKONT L-ARTIKOLU 3 TA’ DAN IR-REGOLAMENT

Objettiv I

Sikurezza: li tiġi konsolidata u mtejba s-sigurtà tal-prodotti permezz ta’ sorveljanza effettiva tas-suq fl-Unjoni

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

% ta’ notifiki RAPEX li jinvolvu mill-anqas reazzjoni waħda (minn Stati Membri oħra)

RAPEX

43 % (843 notifika) fl-2010

Żieda ta’ 10 % sal-2020

Proporzjon ta’ numru ta’ reazzjonijiet/numru ta’ notifiki (riskji serji) (*)

RAPEX

1,07 % fl-2010

Żieda ta’ 15 % sal-2020

Objettiv II

Informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur u appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur: biex ikun hemm progress fl-edukazzjoni, l-informazzjoni u l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, biex tkun żviluppata l-bażi ta’ evidenza għall-politika tal-konsumatur u biex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, filwaqt li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi vulnerabbli

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

Numru ta’ korpi tal-ilmenti u numru ta’ pajjiżi li jippreżentaw ilmenti lill-ECCRS

ECCRS (Sistema Ewropea ta’ Reġistrazzjoni tal-Ilmenti tal-Konsumaturi)

33 korp tal-ilmenti minn 7 pajjiżi fl-2012

70 korp tal-ilmenti minn 20 pajjiż fl-2020

Objettiv III

Drittijiet u rimedji: li jiġu żviluppati u msaħħa d-drittijiet tal-konsumaturi b’mod partikolari permezz ta’ azzjoni regolatorja intelliġenti u billi jitjieb l-aċċess għal rimedju sempliċi, effiċjenti, adegwat u bi prezz baxx inkluż is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

% ta’ dawk il-każijiet ittrattati mill-ECCs u mhux solvuti direttament ma’ kummerċjanti li ġew referuti sussegwentement lil sistema ta’ riżoluzzjoni alternattiva tad-disputi (ADR, alternative dispute resolution)

Rapport annwali tal-ECC

9 % fl-2010

75 % sal-2020

Numru ta’ każijiet indirizzati mis-sistema online ta’ riżoluzzjoni tad-disputi (ODR, online dispute resolution) mal-Unjoni kollha.

Pjattaforma tal-ODR

17 500 (lmenti riċevuti mill-ECCs relatati mat-transazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku) fl-2010

100 000 sal-2020

% ta’ konsumaturi li ħadu azzjoni bi tweġiba għal problema li ltaqgħu magħha fl-aħħar tnax-il xahar:

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur

83 % fl-2010

90 % sal-2020

Objettiv IV

Infurzar: li jkun appoġġat l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur billi tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-korpi nazzjonali tal-infurzar u billi l-konsumaturi jiġu megħjuna permezz ta’ pariri

Indikatur

Sors

Sitwazzjoni kurrenti

Mira

Livell ta’ fluss ta’ informazzjoni u kooperazzjoni man-Netwerk CPC:

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

medji annwalizzati 2007-2010

 

numru ta’ talbiet għal skambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet tas-CPC

 

129

żieda ta’ 30 % sal-2020

numru ta’ talbiet għal miżuri ta’ infurzar bejn awtoritajiet tas-CPC

 

142

żieda ta’ 30 % sal-2020

numru ta’ twissijiet fin-netwerk CPC

 

63

żieda ta’ 30 % sal-2020

% ta’ każijiet ta’ talbiet għal infurzar ittrattati fi żmien 12-il xahar fin-Netwerk CPC

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

50 % (perjodu ta’ referenza 2007-2010)

60 % sal-2020

% ta’ talbiet għal informazzjoni ttrattati fi żmien 3 xhur fin-Netwerk CPC

Database tan-Netwerk CPC (CPCS)

33 % (perjodu ta’ referenza 2007-2010))

50 % sal-2020

Numru ta’ kuntatti mal-konsumaturi ġestiti miċ-Ċentri Ewropej għall-Konsumatur (ECC)

Rapport tal-ECC

71 000 fl-2010

Żieda ta’ 50 % sal-2020

Numru ta’ żjarat lis-siti web tal-ECCs

Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-ECC-Net

1 670 000 fl-2011

Żieda ta’ 70 % sal-2020

Dawn l-indikaturi jistgħu jkunu kkunsidrati b’rabta ma’ kuntest ġeneral u indikaturi orizzontali.


(*)  notifika tista’ tinstiga diversi reazzjonijiet minn awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/57


REGOLAMENT (UE) Nru 255/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 fil-qasam ta’ importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħra mit-Turkija, fir-rigward tas-setgħat iddelegati u ta’ implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 (2) jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għall-importazzjonijiet ta’ żejt taż-żebbuġa u prodotti agrikoli oħrajn li joriġinaw mit-Turkija. Jagħti wkoll lill-Kummissjoni s-setgħat biex tadotta aġġustamenti għal dak ir-Regolament, jekk l-arranġamenti speċjali previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni rilevanti jiġu emendati.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 (3) jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha tadotta regoli dettaljati speċjali għall-applikazzjoni tar-reġim ta’ importazzjoni għal prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li joriġinaw mit-Turkija u li jistgħu jiġu importati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Turkija (4).

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1506/98 (5) jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat li jippermettulha li tħassar il-miżuri ta’ sospensjoni msemmija f’dak ir-Regolament, meta l-ostakli għall-esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni għat-Turkija jkunu tneħħew.

(4)

B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 TFUE.

(5)

Sabiex jiġu ssupplimentati jew emendati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 2008/97, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta’ emendi għal dak ir-Regolament li jkunu meħtieġa meta l-kundizzjonijiet attwali tal-arranġamenti speċjali previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġu emendati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ammonti, jew meta jiġi konkluż ftehim ġdid. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fuq il-livell ta’ għarfien espert. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(6)

Biex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(7)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 2008/97, (KE) Nru 779/98 u (KE) Nru 1506/98 għandhom, għalhekk, jiġu emendati b’mod korrispondenti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2008/97 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikoli 7 u 8 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta r-regoli meħtieġa għall-applikazzjoni tal-arranġamenti speċjali għall-importazzjoni stipulati f’dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 8b(2).

Artikolu 8

Sabiex ikun hemm konformità mal-impenji internazzjonali u meta l-Kunsill ikun iddeċieda li japprova l-emendi tal-kundizzjonijiet attwali tal-arranġamenti speċjali previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew li jikkonkludi ftehim ġdid, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati b’konformità mal-Artikolu 8a fir-rigward tal-emendi li jirriżultaw għal dan ir-Regolament.”.

(2)

Jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

1.   Is-setgħa li jkunu adottati atti delegati qed tingħata lill-Kummissjoni suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 8 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mid-9 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta’ żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 8 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah fl-istess waqt lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 8 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel tmiem dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8b

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew mill-inqas kwart tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

(*)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(**)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 779/98 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta regoli meħtieġa għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ importazzjoni għall-prodotti elenkati fl-Anness I għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li joriġinaw mit-Turkija u li jiġu importati fl-Unjoni skont il-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni KE-Turkija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 2a(2).”.

(2)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew mill-inqas kwart tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

(***)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(****)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet għall-kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 1506/98 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ittemm il-miżuri ta’ sospensjoni msemmija fl-Artikolu 2 meta jitneħħew l-ostakli għal esportazzjonijiet preferenzjali mill-Unjoni lejn it-Turkija. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 3a(2).”.

(2)

Jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*****). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.   Meta l-opinjoni tal-kumitat għandha tinkiseb bi proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk, jew mill-inqas kwart tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

(*****)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(******)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Jannar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Frar 2014.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2008/97 tad-9 ta’ Ottubru 1997 li jistabbilixxi ċerti regoli għall-applikazzjoni ta’ arranġamenti speċjali għall-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ċerti prodotti agrikoli li joriġinaw mit-Turkija (ĠU L 284, 16.10.1997, p. 17).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 779/98 tas-7 ta’ April 1998 fuq l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti agrikoli li ġejjin mit-Turkija, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 4115/86 u jemenda r-Regolament (KE) Nru 3010/95 (ĠU L 113, 15.4.1998, p. 1).

(4)  ĠU L 86, 20.3.1998, p. 1.

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1506/98 tat-13 ta’ Lulju 1998 li jistabbilixxi konċessjoni fil-għamla ta’ kwota Komunitarja tat-tariffa għat-Turkija fis-sena 1998 rigward il-ġellewż u li jissospendi konċessjonijiet oħra (ĠU L 200, 16.7.1998, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kodifikazzjoni

L-adozzjoni ta' dan ir-Regolament ser tinvolvi numru sostanzjali ta' emendi għall-atti inkwistjoni. Sabiex titjieb il-leġġibbiltà tal-atti kkonċernati, il-Kummissjoni ser tipproponi kodifikazzjoni tal-atti malajr kemm jista' jkun ladarba jiġi adottat ir-Regolament, u mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2014.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar atti delegati

Fil-kuntest ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn li ħadet fil-paragrafu 15 tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha dwar il-laqgħat tagħha mal-esperti nazzjonali fil-qafas tal-ħidma tagħha rigward it-tħejjija ta' atti delegati.


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/61


REGOLAMENT (UE) Nru 256/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-ksib ta’ stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni u huwa essenzjali għall-Kummissjoni biex twettaq il-ħidmiet tagħha fil-qasam tal-enerġija. Id-disponibbiltà ta’ dejta u informazzjoni regolari u aġġornati għandha tippermetti lill-Kummissjoni biex tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa u li tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta’ ċifri u analiżi xierqa, b’mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija.

(2)

Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u b’hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, għall-funzjonament tas-suq intern u għat-tranżizzjoni lejn sistema ta’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju li bdiet tagħmel l-Unjoni.

(3)

Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jeħtieġ investiment sinifikanti fit-tipi kollha ta’ infrastrutturi fis-setturi kollha tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ tipi ġodda ta’ infrastruttura u teknoloġiji ġodda li għandhom jiġu adottati mis-suq. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment. Fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwil, se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

(4)

F’dan il-kuntest, l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b’mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, jiġu promossi l-aħjar prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur tas-sistema tal-enerġija fl-Unjoni.

(5)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk ikollhom għad-dispożizzjoniet tagħhom dejta u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta’ investiment, inkluż id-dekummissjonar, fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni.

(6)

Id-dejta u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin fid-diversi setturi tal-enerġija huma ta’ interess għall-Unjoni u huma importanti għall-investiment futur. Għalhekk jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata dwar il-proġetti ta’ investiment fejn diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew ta’ dekummissjonar jew fejn ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

(7)

Taħt l-Artikoli 41 u 42 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Trattat Euratom), l-impriżi huma obbligati jinnotifikaw il-proġetti ta’ investiment tagħhom. Jeħtieġ li tali informazzjoni tkun issupplimentata, b’mod partikolari, b’rappurtar regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ investiment. Tali rappurtar ulterjuri huwa mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 41 sa 44 tat-Trattat Euratom. Madanakollu l-impożizzjoni ta’ piż doppju fuq l-impriżi għandu jiġi evitat kull fejn ikun possibbli.

(8)

Sabiex il-Kummissjoni jkollha opinjoni konsistenti dwar l-iżviluppi futuri tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni b’mod kumplessiv, huwa meħtieġ qafas armonizzat ta’ rappurtar għall-proġetti ta’ investiment ibbażat fuq kategoriji aġġornati ta’ dejta u informazzjoni uffiċjali li għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri.

(9)

L-Istati Membri għandhom, għal dan l-għan, jinnotifikaw lill-Kummissjoni d-dejta u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jkunu ppjanati jew qed jinbnew fit-territroju tagħhom rigward il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass naturali, l-elettriku, inkluż l-elettriku minn sorsi rinovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana utli; il-produzzjoni tal-bijofjuwils; u l-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-dejta u l-informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment f’interkonnessjonijiet tal-elettriku u tal-gass ma’ pajjiżi terzi. L-impriżi kkonċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw tali dejta u nformazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat.

(10)

Meta jitqies iż-żmien li jkun previst għall-proġetti ta’ investiment fis-settur tal-enerġija, għandu jkun suffiċjenti rappurtar kull sentejn.

(11)

Bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, dan ir-Regolament għandu jippermetti lill-Istati Membri u l-impriżi li jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti tkun diġà ngħatat lill-Kummissjoni skont atti legali speċifiċi tal-Unjoni għas-settur tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-objettivi ta’ swieq tal-enerġija fl-Unjoni li jkunu kompetittivi, ta’ sostenibbiltà tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u ta’ sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Unjoni. Għalhekk, kwalunkwe duplikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rappurtar li huma speċifikati fit-tielet pakkett tas-suq intern dwar l-elettriku u l-gass naturali għandha tiġi evitata. Biex tħaffef il-piż tar-rappurtar, il-Kummissjoni għandha tagħti sostenn lill-Istati Membri bil-għan li tikkjarifika l-każijiet li fihom hija tqis li dik id-dejta jew informazzjoni diġà notifikati lilha taħt atti legali oħra jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Il-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-ipproċessar tad-dejta kif ukoll għas-simplifikazzjoni u sigurta’ tan-notifika tad-dejta, u b’mod partikolari għat-tħaddim ta’ għodod tal-IT u l-proċeduri integrati, li għandhom jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni notifikati lill-Kummissjoni.

(13)

Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Istati Membri hija regolata mid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni hija rregolata permezz tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Dan ir-Regolament ma jinċidi bl-ebda mod fuq dawk id-dispożizzjonijiet.

(14)

L-Istati Membri, jew l-entitajiet delegati tagħhom, u l-Kummissjoni għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi. Għalhekk, l-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dejta u informazzjoni relatati ma’ proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, għandhom jiġbru tali dejta u informazzjoni fil-livell nazzjonali qabel ma jippreżentawhom lill-Kummissjoni. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tkompli tgħaqqad dik id-dejta b’tali mod li tipprevjeni kwalunkwe żvelar jew deduzzjoni ta’ kull dettall dwar impriżi jew installazzjonijiet individwali.

(15)

Il-Kummissjoni u b’mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-Unjoni u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata dwar ċerti aspetti ta’ dik is-sistema tal-enerġija. Dik l-analiżi għandha b’mod partikolari tikkontribwixxi sabiex ittejjeb is-sigurtà enerġetika billi tidentifika n-nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment bil-għan li jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. L-analiżi għandha wkoll tifforma kontribut għal diskussjoni fil-livell tal-Unjoni dwar l-infrastrutturi tal-enerġija u għandha għalhekk tiġi mgħoddija lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tkun disponibbli għall-partijiet interessati.

(16)

Impriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll, fil-kuntest tal-pjanifikazzjoni tal-investimenti tagħhom, mill-analiżi transettorjali tal-Kummissjoni u mid-dejta u l-informazzjoni li l-Kummissjoni tippubblika taħt dan ir-Regolament.

(17)

Il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti bil-għan li tiżviluppa fehim komuni tan-nuqqasijiet infrastrutturali potenzjali u r-riskji assoċjati, u li trawwem trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żviluppi futuri, li hija ta’ interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq.

(18)

Dan ir-Regolament għandu jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 (5), li ġie annullat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Settembru 2012 (6) u li l-effetti tiegħu kellhom jinżammu sa meta jkun daħal fis-seħħ regolament ġdid. Għalhekk, bid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, iseħħ l-annullament tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 skont is-sentenza tal-Qorti. Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (7), li tħassar mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 617/2010 annullat, għandu jitħassar minn dan ir-Regolament.

(19)

Il-forma u d-dettalji tekniċi tan-notifika lill-Kummissjoni tad-dejta u l-informazzjoni tal-proġetti ta’ investiment fl-istruttura tal-enerġija huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 (8). Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ japplika sar-reviżjoni tiegħu, li se ssir wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta’ dejta u informazzjoni dwar proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-elettriku — inklużi l-elettriku minn sorsi rinnovabbli, l-elettriku mill-faħam u mil-linjite, u l-koġenerazzjoni tal-elettriku u t-tisħin utli - kif ukoll dwar proġetti ta’ investiment relatati mal-produzzjoni tal-bijofjuwils u mal-qbid, trasport u ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawk is-setturi jipproduċu.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom diġà nbdiet ħidma ta’ kostruzzjoni jew dekummissjonar jew li fuqhom ittieħdet deċiżjoni finali dwar l-investiment.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw kwalunkwe dejta stimata jew informazzjoni preliminari dwar proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness li fuqhom il-ħidma ta’ kostruzzjoni hija skedata li tibda fi żmien ħames snin u fuq dawk li huma skedati għad-dekummissjonar fi żmien tliet snin, iżda li dwarhom għadha ma tteħditx deċiżjoni finali ta’ investiment.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura” tfisser kwalunkwe tip ta’ installazzjoni jew parti ta’ installazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trażmissjoni u l-ħżin, inklużi interkonnessjonijiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(2)

“proġetti ta’ investiment” tfisser proġetti bil-għan li:

(i)

jibnu infrastruttura ġdida;

(ii)

jittrasformaw, jimmodernizzaw, iżidu jew inaqqsu l-kapaċità ta’ infrastrutturi eżistenti;

(iii)

jiddekummissjonaw parzjalment jew totalment l-infrastruttura eżistenti;

(3)

“deċiżjoni finali dwar l-investiment” tfisser id-deċiżjoni meħuda fil-livell ta’ impriża biex b’mod definittiv jiġu assenjati fondi għall-fażi ta’ investiment ta’ proġett;

(4)

“fażi ta’ investiment” tfisser il-fażi li matulha sseħħ il-kostruzzjoni jew iseħħ id-dekummissjonar u jsiru l-ispejjeż kapitali; din teskludi l-fażi tal-ippjanar;

(5)

“fażi tal-ippjanar” tfisser il-fażi li matulha titħejja l-implimentazzjoni tal-proġett u li tinkludi, fejn xieraq, valutazzjoni tal-fattibbiltà, studji preparatorji u tekniċi, il-ksib ta’ liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-ispejjeż kapitali;

(6)

“proġetti ta’ investiment taħt kostruzzjoni” tfisser proġetti ta’ investiment li għalihom tkun bdiet il-kostruzzjoni u jkunu saru l-ispejjeż kapitali;

(7)

“dekummissjonar” tfisser il-fażi fejn b’mod permanenti jiġi terminat it-tħaddim tal-infrastruttura;

(8)

“produzzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ipproċessar tal-fjuwils, inklużi l-bijofjuwils;

(9)

“trażmissjoni” tfisser it-trasport tas-sorsi tal-enerġija jew tal-prodotti jew tad-diossidu tal-karbonju, permezz ta’ netwerk, b’mod partikolari:

(i)

permezz ta’ sistemi ta’ pajpijiet, għajr netwerk li jinsab upstream fis-sistemi tal-pajpijiet u għajr dik il-parti tas-sistemi tal-pajpijiet li primarjament tintuża fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali; or

(ii)

minn ġo sistemi interkonnessi ta’ vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli u sistemi oħra għajr is-sistemi tal-pajpijiet li primarjament jintużaw fil-kuntest ta’ distribuzzjoni lokali;

(10)

“qbid” tfisser il-proċess li bih id-diossidu tal-karbonju minn installazzjonijiet industrijali jinqabad għall-ħżin;

(11)

“ħżin” tfisser l-istokkjar fuq bażi permanenti jew temporanja ta’ enerġija jew ta’ sorsi tal-enerġija f’infrastruttura ’l fuq mill-art jew taħt l-art jew f’siti ġeoloġiċi jew il-konteniment tad-diossidu tal-karbonju f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;

(12)

“impriża” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, privata jew pubblika, li tiddeċiedi dwar jew li timplimenta proġetti;

(13)

“sorsi tal-enerġija” tfisser:

(i)

sorsi primarji tal-enerġija, bħaż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam;

(ii)

sorsi tal-enerġija mibdula, bħall-elettriku;

(iii)

sorsi tal-enerġija rinnovabbli inklużi l-idroelettriċità, il-bijomassa, il-bijogass, ir-riħ, l-enerġija mix-xemx, dik mill-mewġ u dik ġeotermali; u

(iv)

prodotti tal-enerġija, bħal prodotti taż-żejt raffinat u l-bijofjuwils;

(14)

“korp speċifiku” tfisser korp inkarigat minn kwalunkwe att legali speċifiku għas-settur tal-enerġija tal-Unjoni bit-tħejjija u l-adozzjoni tal-iżvilupp ta’ netwerk pluriennali fl-Unjoni kollha u pjanijiet ta’ investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija, bħan-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (“ENTSO-E”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u n-netwerk Ewropew għall-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-gass (“ENTSO-G”) imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(15)

“dejta aggregata” tfisser dejta aggregata fil-livell ta’ Stat Membru jew ta’ għadd ta’ Stati Membri.

Artikolu 3

Notifika tad-dejta

1.   Filwaqt li jżommu l-piż tal-ġbir u r-rappurtar proporzjonat, l-Istati Membri jew l-entitajiet li lilhom ikunu ddelegaw dik il-ħidma għandhom jikkompilaw id-dejta u l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt dan ir-Regolament mill-1 ta’ Jannar 2015 u kull sentejn wara din id-data.

Huma għandhom jinnotifikaw id-dejta u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett speċifikati f’dan ir-Regolament lill-Kummissjoni fl-2015, billi dik is-sena tkun l-ewwel sena ta’ rappurtar, u minn hemm ’il quddiem kull sentejn. Dik in-notifika għandha ssir f’forma aggregata, ħlief għad-dejta u l-informazzjoni rilevanti dwar proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom jinnotifikaw id-dejta aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett sal-31 ta’ Lulju tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata.

2.   L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom huma eżenti mill-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1, dment li, u sal-punt li, skont l-atti legali tal-Unjoni speċifika għas-settur tal-enerġija jew skont it-Trattat Euratom:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jew l-entità ddelegata tiegħu diġà jkun/tkun innotifika(t) lill-Kummissjoni d-dejta jew l-informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament u indika(t) id-data ta’ dik in-notifika u l-att legali speċifiku kkonċernat; or

(b)

korp speċifiku jkun inkarigat bit-tħejjija ta’ pjan ta’ investiment pluriennali fl-infrastruttura tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni u, għal dak il-għan, jikkompila dejta u informazzjoni ekwivalenti għal dik meħtieġa taħt dan ir-Regolament. F’dan il-każ u għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dak il-korp speċifiku għandu jinnotifika d-dejta u l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Sorsi tad-dejta

L-impriżi kkonċernati għandhom jinnotifikaw id-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 lill-Istati Membri, jew lill-entitajiet delegati tagħhom, li fit-territorju tagħhom jkunu qegħdin jippjanaw li jwettqu proġetti ta’ investiment qabel l-1 ta’ Ġunju ta’ kull sena ta’ rappurtar. Id-dejta jew l-informazzjoni nnotifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tal-proġetti ta’ investiment sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rappurtar rilevanti.

L-ewwel paragrafu ma għandux japplika għall-impriżi meta l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-dejta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, sakemm id-dejta jew l-informazzjoni mogħtija jkunu komparabbli.

Artikolu 5

Kontenut tan-notifika

1.   Fir-rigward tal-proġetti ta’ investiment tat-tipi elenkati fl-Anness, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika fejn xieraq:

(a)

il-volum tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni;

(b)

it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċità ppjanata jew li tkun taħt kostruzzjoni, inkluż il-post tal-proġetti ta’ trażmissjoni transkonfinali, jekk applikabbli;

(c)

is-sena probabbli tal-kummissjonar;

(d)

it-tip ta’ sorsi ta’ enerġija użat;

(e)

l-installazzjonijiet li huma kapaċi jirrispondu għall-kriżijiet ta’ sigurtà tal-provvista, bħal tagħmir li jippermetti l-flussi opposti jew il-bdil minn fjuwil għall-ieħor; u

(f)

it-tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi installabbli fuq tagħmir diġà funzjonanti għall-qbid u l-ħżin tal-karbonju.

2.   Fir-rigward ta’ kwalunkwe dekummissjonar propost ta’ kapaċitajiet, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika:

(a)

in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura kkonċernata; u

(b)

is-sena probabbli tad-dekummissjonar.

3.   Kwalunkwe notifika taħt l-Artikolu 3 għandha tinkludi fejn ikun il-każ:

(a)

il-volum totali tal-kapaċitajiet installati ta’ produzzjoni, trażmissjoni u ħżin li jkunu operattivi fil-bidu tas-sena ta’ rappurtar ikkonċernata jew li l-operazzjoni tagħhom tkun interrotta għal perjodu li jaqbeż tliet snin; u

(b)

informazzjoni rilevanti dwar dewmien u/jew ostakoli għall-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ investiment, fejn l-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku konċernat ikollhom dik l-informazzjoni.

Artikolu 6

Kwalità u pubbliċità tad-dejta

1.   L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom jew, fejn xieraq, il-korpi speċifiċi għandhom ikollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-dejta u l-informazzjoni li huma jinnotifikaw lill-Kummissjoni.

Fejn il-korpi speċifiċi jagħmlu n-notifika, id-dejta u l-informazzjoni nnotifikati jistgħu jkunu akkumpanjati b’kummenti xierqa mill-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika dejta u informazzjoni aggregati ppreżentati skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm ma jinkixef jew ma jkun jista’ jiġi dedott l-ebda dettall dwar impriżi u installazzjonijiet individwali.

3.   L-Istati Membri, l-entitajiet delegati tagħhom, jew il-Kummissjoni għandhom rispettivament iħarsu l-kunfidenzjalità ta’ dejta u informazzjoni kummerċjalment sensittivi fil-pussess tagħhom.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Fil-limiti stabbiliti minn dan ir-Regolament, sal-10 ta’ Ġunju 2014 il-Kummissjoni għandha tadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, rigward il-forma u dettalji tekniċi oħra tan-notifika tad-dejta u l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 5. Sa dak iż-żmien, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 833/2010 għandu jibqa’ applikabbli.

Artikolu 8

Proċessar tad-dejta

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jsir kwalunkwe pproċessar tad-dejta jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija li huma nnotifikati lilha skont dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li r-riżorsi tal-IT imsemmija fl-ewwel paragrafu jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-dejta jew tal-informazzjoni li huma notifikati lilha skont dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ma jbiddilx l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali, kif stabbilit fid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi li huma d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-dejta personali li huma jipproċessaw tul it-twettiq ta’ dmirijiethom.

Artikolu 10

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Abbażi tad-dejta u l-informazzjoni ppreżentati u, jekk ikun il-każ, ta’ kwalunkwe sors ta’ dejta ieħor inklużi dejta mixtrija mill-Kummissjoni, u filwaqt li jitqiesu l-analiżijiet rilevanti bħall-pjanijiet pluriennali ta’ żvilupp ta’ netwerk għall-gass u l-elettriċità, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew analiżi transettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE, u għandha tippubblika din l-analiżi kull sentejn. Dik l-analiżi għandu jkollha l-għan b’mod partikolari li:

(a)

tidentifika nuqqasijiet futuri potenzjali bejn d-domanda u l-provvistatal-enerġija li huma sinifikanti għall-politika tal-enerġija tal-Unjoni, inklużi dawk għall-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija, b’enfasi fuq id-defiċjenzi u n-nuqqasijiet potenzjali fl-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trażmissjoni;

(b)

tidentifika ostakli għall-investiment u tippromwovi l-aħjar prattiki biex tindirizzahom; u

(c)

iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u dawk li potenzjalment jidħlu fis-suq.

Abbażi ta’ din id-dejta u l-informazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipprovdi wkoll kwalunkwe analiżi speċifika meqjusa meħtieġa u xierqa.

2.   Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u/jew kwalunkwe espert, assoċjazjonijiet professjonali oħra b’kompetenza speċifika fil-qasam ikkonċernat.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri kollha bl-opportunità li jikkummentaw dwar l-abbozzi ta’ analiżijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati, bħall-ENTSO-E, l-ENTSO-G, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass, il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Elettriku u l-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar iż-Żejt.

Artikolu 11

Reviżjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u tippreżenta rapport dwar ir-riżultati ta’ dik ir-reviżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fir-reviżjoni, il-Kummisjsoni għandha, inter alia, teżamina:

(a)

l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, biex jinkludi:

(i)

l-estrazzjoni tal-gass, iż-żejt u l-faħam;

(ii)

terminals għall-gass naturali kumpressat;

(iii)

tipi addizzjonali ta’ ħżin tal-enerġija; u

(b)

il-kwistjoni jekk għandhomx jitbaxxew jew le l-livelli minimi għall-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli.

Hija u teżamina dawk l-għażliet, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa li tiżgura bilanċ bejn żieda fil-piż amministrattiv u l-benefiċċji tal-ksib tal-informazzjoni addizzjonali.

Artikolu 12

Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 736/96 huwa b’dan imħassar mid-9 ta’ April 2014.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 153.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(3)  Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 tal-24 ta’ Ġunju 2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 7).

(6)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża C-490/10, il-Parlament v il-Kunsill (2012 ECR I-0000).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 tat-22 ta’ April 1996 dwar in-notifika lill-Kummisjsoni ta’ proġetti ta’ investiment ta’ interess lill-Komunità fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali u tal-elettriku (ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (UE, Euratom) Nru 833/2010 tal-21 ta’ Settembru 2010, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 22.9.2010, p. 36).

(9)  Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15).

(10)  Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36).


ANNESS

PROĠETTI TA’ INVESTIMENT

1.   ŻEJT

1.1.   Raffinar

impjanti tad-distillazzjoni b’kapaċità ta’ mhux anqas minn miljun 1 tunnellata fis-sena;

estensjoni tal-kapaċità tad-distillar għal aktar minn miljun 1 tunnellata fis-sena;

impjanti ta’ cracking/iffurmar mill-ġdid b’kapaċità minima ta’ 500 tunnellata kuljum;

impjanti ta’ desulfurizzazzjoni għal residwi ta’ żejt tal-fjuwil/żejt tal-gass/materja prima/prodotti oħra taż-żejt mhux maħdum.

Impjanti kimiċi li ma jipproduċux żejt tal-fjuwil u/jew fjuwil tal-magni, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

1.2.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet taż-żejt mhux raffinat b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 3 miljun tunnellata metrika fis-sena u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet tal-prodotti taż-żejt mhux maħdum b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 1,5 miljun tunnellata fis-sena, u l-estensjoni jew it-titwil ta’ dawn is-sistemi ta’ pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

sistemi ta’ pajpijiet li jikkostitwixxu konnessjonijiet essenzjali f’netwerks ta’ interkonnessjoni nazzjonali jew internazzjonali u sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

Is-sistemi ta’ pajpijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.

1.3.   Ħżin

installazzjonijiet ta’ ħżin għaż-żejt mhux maħdum u prodotti taż-żejt mhux maħdum (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 150 000 m3 jew aktar, jew fil-każ ta’ tankijiet, b’kapaċità ta’ mhux anqas minn 100 000 m3).

It-tankijiet maħsubin għal finijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.1. huma esklużi.

2.   GASS

2.1.   Trażmissjoni

gass, inklużi gass naturali u bijogass, sistemi ta’ pajpijiet għat-trasport li jiffurmaw parti minn netwerk li prinċipalment fih sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja, esklużi sistemi ta’ pajpijiet li jiffurmaw parti minn netwerk ta’ sistemi ta’ pajpijiet upstream u eskluża l-parti ta’ sistemi ta’ pajpijiet bi pressjoni għolja primarjament użati fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali tal-gass naturali;

“is-sistemi ta’ pajpijiet u proġetti ta’ interess komuni” identifikati fil-linji gwida stabbiliti taħt l-Artikolu 171 tat-TFUE.

2.2.   Terminals tal-gass naturali likwifikat (LNG)

terminals għall-importazzjoni tal-LNG, b’kapaċità ta’ rigassifikazzjoni ta’ 1 biljun m3 fis-sena jew aktar.

2.3.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin imqabbda mas-sistemi ta’ pajpijiet imsemmija fil-punt 2.1.

Is-sistemi ta’ pajpijiet tal-gass, terminals u installazzjonijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti kimiċi li ma jipproduċux prodotti tal-enerġija, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

3.   ELETTRIKU

3.1.   Produzzjoni

impjanti tal-enerġija termali u nukleari (ġeneraturi b’kapaċità ta’ 100 MW jew aktar);

installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/bijolikwidi/skart (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija b’koġenereazzjoni ta’ elettriku u sħana utli (installazzjonijiet b’kapaċità elettrika ta’ 20 MW jew aktar);

impjanti tal-enerġija idroelettrika (installazzjonijiet li għandhom kapaċità ta’ 30 MW jew aktar);

parkijiet eoliċi (wind power farms) b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar;

installazzjonijiet tal-enerġija termali mix-xemx u ġeotermali kkonċentrati (b’kapaċità ta’ 20 MW jew aktar);

installazzjonijiet fotovoltajċi (b’kapaċità ta’ 10 MW jew aktar).

3.2.   Trażmissjoni

–linji tat-trażmissjoni ’l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ użat ġeneralment fil-livell nazzjonali għal-linji ta’ interkonnessjoni, u dment li dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta 220 kV jew aktar;

kejbils ta’ trażmissjoni ta’ taħt l-art jew ta’ taħt il-baħar, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew aktar;

proġetti ta’ interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-TFUE.

4.   BIJOFJUWIL

4.1.   Produzzjoni

installazzjonijiet li kapaċi jipproduċu jew jirfinaw il-bijofjuwils (installazzjonijiet b’kapaċità ta’ 50 000 tunnellata fis-sena jew aktar).

5.   DIOSSIDU TAL-KARBONJU

5.1.   Trasport

sistemi ta’ pajpijiet tad-diossidu tal-karbonju relatati mal-produzzjoni tal-installazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.1. u 3.1.

5.2.   Ħżin

installazzjonijiet tal-ħżin (sit tal-ħżin jew kumpless b’kapaċità ta’ 100 kt jew aktar).

L-installazzjonijiet tal-ħżin maħsuba għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma esklużi.


20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/69


REGOLAMENT (UE) Nru 257/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 fir-rigward tal-inklużjoni tal-Groenlandja fl-implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 (2) jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Komunità u ta’ kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet għad-djamanti mhux maħduma għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process.

(2)

Il-Groenlandja mhijiex parti mit-territorju tal-Unjoni iżda hija inkluża fil-lista ta’ pajjiżi u territorji barranin stipulati fl-Anness II għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’konformità mal-Artikolu 198 tat-TFUE, l-għan tal-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji estra-Ewropej mal-Unjoni huwa li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji estra-Ewropej u li jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Unjoni fl-intier tagħha.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/136/UE (3) tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li jippermettu s-sehem tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fir-rigward ta’ djamanti mhux maħduma permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni. Tali kooperazzjoni ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Groenlandja fl-industrija tad-djamanti, u b’mod partikolari dan ikun jippermetti lill-Groenlandja tesporta djamanti mhux maħduma akkumpanjati miċ-Ċertifikat tal-UE maħruġ għall-finijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku tal-Groenlandja.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 għandu jiġi emendat biex jippermetti li d-Deċiżjoni 2014/136/UE tidħol fis-seħħ u b’mod partikolari biex jipprovdi għall-inklużjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni.

(5)

Għaldaqstant, il-Groenlandja se tkun ipprojbita milli taċċetta importazzjonijiet jew esportazzjonijiet tad-djamanti mhux maħduma lejn jew minn parteċipant barra t-territorju tal-Unjoni mingħajr ċertifikat validu. L-emendi li jinsabu f’dan ir-Regolament se jippermettu l-esportazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma mill-Groenlandja lejn pajjiżi terzi sakemm dawn ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat tal-UE.

(6)

Barra minn hekk, flimkien mal-kundizzjoni eżistenti għaċ-ċertifikazzjoni li teħtieġ l-evidenza li d-djamanti mhux maħduma kienu importati legalment lejn l-Unjoni, għandha tiġi introdotta kundizzjoni alternattiva għal djamanti mminati u estratti fil-Groenlandja li qatt ma ġew esportati qabel, b’mod partikolari biex tipprovdi evidenza f’dan ir-rigward.

(7)

Barra minn hekk, għandhom isiru emendi għall-arranġamenti dettaljati għas-sottomissjoni tad-djamanti mhux maħduma lill-awtoritajiet tal-Unjoni għal verifika, waqt li jiġu estiżi għall-Groenlandja r-regoli speċjali għat-tranżitu, li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fil-Kumitat għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 u jipprovdu għar-rappreżentanza tal-Groenlandja fil-Proċess Kimberley u l-kooperazzjoni ma’ Stati Membri oħra permezz tal-Kummissjoni.

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2368/2002 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-Unjoni u ta’ kontrolli fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward ta’ djamanti mhux maħduma għall-għanijiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process.

Għall-għanijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, it-territorju tal-Unjoni u dak tal-Groenlandja għandhom jitqiesu bħala entità waħda mingħajr fruntieri interni.

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax jew jibdel xi dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ li jirrelataw mal-formalitajiet prattiċi u mal-kontrolli.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-frażi ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-importazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma lejn it-territorju tal-Komunità (*) jew il-Groenlandja għandha tkun ipprojbita kemm-il darba l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ma jiġux sodisfatti:

(*)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009 t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea introduċa ċerti bidliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ ‘Komunità’ b’‘Unjoni’.”;"

(3)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-kontenituri u ċ-ċertifikati li jikkorrispondu magħhom għandhom, mingħajr dewmien, jiġu sottomessi għall-verifikazzjoni flimkien lil awtorità tal-Komunità jew tal-Istat Membru fejn ikunu qed jiġu importati jew tal-Istat Membru li għalih ikunu destinati, skont kif indikat fid-dokumenti ta’ akkompanjament. Il-kontenituri maħsubin għall-Groenlandja għandhom jitressqu għal verifika lil waħda mill-awtoritajiet tal-Komunità, jew fl-Istat Membru fejn ikunu qed jiġu importati, jew f’wieħed mill-Istati Membri l-oħra fejn tkun stabbilita awtorità tal-Komunità.”

(4)

fl-Artikolu 8, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-parteċipanti dwar arranġamenti prattiċi biex l-awtorità kompetenti tal-parteċipant esportatur li kkonvalida xi ċertifikat tiġi pprovduta bil-konfermazzjoni tal-importazzjonijiet fit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja.”;

(5)

fl-Artikolu 11, il-frażi ta’ introduzzjoni hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-esportazzjoni mit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja ta’ djamanti mhux maħduma għandha tkun projbita sakemm dawn iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin ma jiġux sodisfatti:”

(6)

fl-Artikolu 12(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

l-esportatur ipprovda prova konklużiva li:

(i)

id-djamanti mhux maħduma li għalihom qed jintalab iċ-ċertifikat kienu importati skont il-liġi skont l-Artikolu 3; jew

(ii)

id-djamanti mhux maħduma li għalihom qed jintalab iċ-ċertifikat kienu mminati jew estratti fil-Groenlandja f’każ li d-djamanti mhux maħduma ma kinux preċedentement esportati lil parteċipant għajr l-Unjoni.”;

(7)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

L-Artikoli 4, 11, 12, u 14 ma għandhomx jgħoddu għad-djamanti mhux maħduma li jidħlu fit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja għall-għanijiet ta’ transitu biss għal parteċipant barra dawk it-territorji, bil-kondizzjoni li la l-kontenitur oriġinali fejn ikunu qegħqin jinġarru d-djamanti mhux maħduma u lanqas iċ-ċertifikat oriġinali ta’ akkumpanjament maħruġ minn awtorità kompetenti ta’ parteċipant ma jkun ġie mbagħbas fid-dħul jew il-ħruġ mit-territorju tal-Komunità jew il-Groenlandja, u l-għan ta’ transitu jkun jaqbel ċar maċ-ċertifikat ta’ akkumpanjament.”;

(8)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   L-Unjoni, inkluża l-Groenlandja, għandha tkun parteċipant fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP.

2.   Il-Kummissjoni, li tirrappreżenta l-Unjoni, flimkien mal-Groenlandja, fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process, għandha timmira li tiżgura l-aqwa implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni bejn il-parteċipanti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tiskambja l-informazzjoni mal-parteċipanti dwar il-kummerċ internazzjonali tad-djamanti mhux maħduma u, fejn xieraq, tikkoopera fil-monitoraġġ tal-attivitajiet u ssib soluzzjoni għat-tilwim li jista’ jinqala’.”;

(9)

L-Artikolu 23 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22 jista’ jeżamina kull mistoqsija li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-mistoqsijiet jistgħu jitqajmu jew mill-President jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru jew tal-Groenlandja.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Frar 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 li jimplimenta l-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process fil-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 28).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/136/UE tal-20 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri biex tippermetti l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process (Ara paġna 99 ta’ dan il-Ġurnal).


DIRETTIVI

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/72


DIRETTIVA 2014/26/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Frar 2014

dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa, u b’mod partikolari l-Artikoli 50(1), 53(1) u 62 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttivi tal-Unjoni li ġew adottati fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati diġà jipprovdu livell għoli ta’ ħarsien għad-detenturi tad-drittijiet u għaldaqstant qafas li fih jista’ jsir dan l-isfruttament ta’ kontenut protett b’dawk id-drittijiet. Dawk id-Direttivi jikkontribwixxu għall-iżvilupp u ż-żamma tal-kreattività. F’suq intern fejn il-kompetizzjoni mhijiex imfixkla, il-ħarsien tal-innovazzjoni u l-ħolqien intellettwali jħeġġeġ ukoll l-investiment fis-servizzi u l-prodotti innovattivi.

(2)

It-tixrid ta’ kontenut li huwa protett bi drittijiet tal-awtur u minn drittijiet, inklużi kotba, produzzjonijiet awdjoviżivi u mużika rreġistrata, u servizzi relatati magħhom, jeħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet minn detenturi differenti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, bħall-awturi, artisti, produtturi u pubblikaturi. Huwa normalment għad-detentur tad-drittijiet li jagħżel bejn l-immaniġġjar individwali jew kollettiv tad-drittijiet tiegħu, kemm-il darba l-Istat Membru ma jipprovdix mod ieħor, skont it-termini tad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. L-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jinkludi l-ħruġ ta’ liċenzji lil utenti, l-awditjar tal-utenti, il-monitoraġġ tal-użu tad-drittijiet, l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet derivat mill-isfruttament tad-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jippermettu li d-detenturi tad-drittijiet jitħallsu għall-użi li huma stess ma jkunux f’pożizzjoni jikkontrollaw jew jinfurzaw, inkluż fis-swieq mhux domestiċi.

(3)

Skont l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni għandha tqis id-diversità kulturali fl-azzjoni tagħha u tikkontribwixxi biex il-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, filwaqt li tiġi rispettata d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġi enfasizzat il-wirt kulturali komuni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom u għandu jibqa’ jkollhom rwol importanti x’jaqdu bħala promoturi tad-diversità tal-espressjoni kulturali, kemm billi jagħmlu possibbli li r-repertorji żgħar u anqas popolari jkollhom aċċess għas-suq u kemm billi jipprovdu servizzi soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom u tal-pubbliku.

(4)

Meta jkunu stabbiliti fl-Unjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jgawdu l-libertajiet ipprovduti mit-Trattati meta jkunu qed jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra jew ikunu qed joħorġu liċenzji lill-utenti li huma residenti jew stabbiliti fi Stati Membri oħra.

(5)

Jeżistu differenzi sinifikanti fir-regoli nazzjonali li jirregolaw il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, b’mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-kontabbiltà tagħhom lill-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħhom. F’għadd ta’ każi dan wassal għal diffikultajiet, b’mod partikolari għad-detenturi tad-drittijiet mhux domestiċi, meta jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, u għal ġestjoni finanzjarja ħażina tad-dħul miġbur. Il-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv iwasslu għal ineffiċjenzi fl-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-suq intern kollu għad-detriment kemm tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, detenturi u utenti.

(6)

Il-ħtieġa li jittejjeb il-funzjonament tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv diġà ġiet identifikata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE (3). Dik ir-Rakkomandazzjoni stabbilixxiet għadd ta’ prinċipji, bħal-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jagħżlu l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħhom, trattament indaqs tal-kategoriji tad-detenturi tad-drittijiet u tqassim ekwu tar-royalties. Hija talbet ukoll lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv sabiex jipprovdu lill-utenti informazzjoni suffiċjenti dwar it-tariffi u r-repertorju qabel ma jsiru negozjati bejniethom. Kienet tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar ir-responsabbiltà, ir-rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet fil-korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u r-riżolvimentta’ tilwim. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ġiet segwita b’mod li ma kienx dejjem l-istess.

(7)

Il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet u l-partijiet terzi tirrikjedi li l-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-immanġġjar tad-drittijiet tal-awtur u l-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għandhom jiġu kkoordinati fejn l-Istati Membri jippermettu dawn l-operazzjonijiet bil-għan li jkun hemm garanziji ekwivalenti madwar l-Unjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 50(1) tat-TFUE.

(8)

L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tipprovdi għal koordinazzjoni tar-regoli nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għall-attività ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-modalitajiet għall-governanza tagħhom, u l-qafas superviżorju tagħhom, u għalhekk għandu jkollha wkoll bħala bażi legali l-Artikolu 53(1) tat-TFUE. Barra minn hekk, billi tikkonċerna settur li joffri servizzi fl-Unjoni kollha, din id-Direttiva għandu jkollha bħala bażi legali l-Artikolu 62 tat-TFUE.

(9)

L-għan ta’ din id-Direttiva hu li tistabbilixxi rekwiżiti applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv biex jiġi żgurat standard għoli ta’ governanza, immaniġġjar finanzjarju, trasparenza u rappurtar. Dan m’għandux, madankollu, iżomm lill-Istati Membri milli jkomplu jżommu jew milli jimponu, f’relazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom, standards aktar stretti minn dawk stabbiliti fit-Titolu II ta’ din id-Direttiva, sakemm tali standards aktar stretti huma kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jipprekludi Stat Membru milli japplika l-istess dispożizzjonijiet jew dispożizzjonijiet simili għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li huma stabbiliti barra mill-Unjoni imma li joperaw f’dak l-Istat Membru.

(11)

Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jipprekludi lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv milli jikkonkludu ftehimiet ta’ rappreżentanza ma’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra – fir-rispett tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mill-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE – fil-qasam tal-immaniġġjar tad-drittijiet bil-għan li jiffaċilitaw, itejbu u jissemplifikaw il-proċeduri għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-utenti, inkluż għall-finijiet ta’ fatturazzjoni unika, taħt kundizzjonijiet indaqs, nondiskriminatorji u trasparenti, u joffru liċenzji multiterritorjali wkoll f’oqsma differenti minn dawk imsemmija fit-Titolu III ta’ din id-Direttiva.

(12)

Din id-Direttiva, filwaqt li tapplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha, bl-eċċezzjoni tat-Titolu III japplika biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali onlajn fuq bażi multiterritorjali, ma tinterferixxix mal-arranġamenti li jirrigwardaw l-immaniġġjar tad-drittijiet fl-Istati Membri bħalma huma l-immaniġġjar individwali, l-effett estiż ta’ ftehim bejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv rappreżentattiva u utent, jiġifieri liċenzjar kollettiv estiż, immaniġġjar kollettiv mandatarju, preżunzjonijiet ġuridiċi ta’ rappreżentazzjoni u trasferiment ta’ drittijiet lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(13)

Din id-Direttiva ma taffettwax il-possibilità li l-Istati Membri jiddeterminaw permezz ta’ liġi, regolament jew permezz ta’ kwalunkwe mekkaniżmu speċifiku ieħor simili, il-kumpens ġust tad-detenturi tad-drittijiet għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u r-remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet għal derogi mid-dritt esklussiv fir-rigward tas-self pubbliku provdut fid-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) applikabbli fit-territorju tagħhom kif ukoll kondizzjonijiet applikabbli għall-ġbir tagħhom.

(14)

Din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jadottaw forma ġuridika speċifika. Fil-prattika, dawk l-organizzazzjonijiet joperaw f’diversi forom ġuridiċi bħalma huma assoċjazzjonijiet, kooperattivi jew kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata, li huma kkontrollati jew għandhom bħala sidien lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati jew lill-entitajiet li jirrappreżentaw tali detenturi tad-drittijiet. F’xi każijiet eċċezzjonali, madankollu, minħabba l-forma ġuridika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-element tas-sieda jew tal-kontroll mhuwiex preżenti. Dan hu, pereżempju, il-każ għall-fondazzjonijiet, li ma għandhomx membri. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wkoll għandhom japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet. Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu ċ-ċirkumvenzjoni tal-obbligi skont din id-Direttiva permezz tal-għażla tal-forma ġuridika. Għandu jiġi nnotat li l-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, u li huma membri ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu jkunu organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, assoċjazzjonijiet ta’ detenturi tad-drittijiet, junjins jew organizzazzjonijiet oħra.

(15)

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu liberi li jafdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom f’idejn entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti. Tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti huma entitajiet kummerċjali li huma differenti minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, fost l-oħrajn minħabba l-fatt li m’għandhomx bħala sidien id-detenturi tad-drittijiet u l-anqas ma huma kkontrollati minnhom. Madankollu, sal-punt li tali entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti jwettqu l-istess attivitajiet bħall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, huma għandhom ikunu obbligati jagħtu ċerta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet li huma jirrappreżentaw, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, lill-utenti u lill-pubbliku.

(16)

Il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom stess, f’ċerti każijiet b’mod parallel ma’ drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom minn, pereżempju, artisti, abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali, u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Il-pubblikaturi tal-kotba, mużika u gazzetti jilliċenzjaw drittijiet li jkunu ġew ittrasferiti lilhom abbażi ta’ ftehimiet innegozjati b’mod individwali u jaġixxu fl-interess tagħhom proprju. Għalhekk il-produtturi awdjoviżivi, il-produtturi tad-diski u x-xandara u l-pubblikaturi m’għandhomx jitqiesu bħala “entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti”. Barra minn hekk, il-maniġers u l-aġenti tal-awturi u tal-artisti li jaġixxu ta’ intermedjarji u li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv m’għandhomx jitqiesu bħala “entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti” peress li ma jimmaniġġjawx id-drittijiet fis-sens tal-iffissar tat-tariffi, l-għoti tal-liċenzji jew il-ġbir tal-flus mill-utenti.

(17)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu liberi li jagħżlu li ċerti attivitajiet tagħhom, bħalma huma l-fatturazzjoni tal-utenti jew id-distribuzzjoni tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, jiġu mwettqa minn sussidjarji jew minn entitajiet oħra li huma jikkontrollaw. F’każijiet bħal dawn, dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li kienu jkunu applikabbli li kieku l-attività kellha titwettaq direttament minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu applikabbli għall-attivitajiet tas-sussidjarji jew entitajiet oħra.

(18)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati jkunu jistgħu jibbenefikaw b’mod sħiħ mis-suq intern meta d-drittijiet tagħhom ikunu qed jiġu mmaniġġjati b’mod kollettiv u li l-libertà tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ma tiġix affettwata b’mod mhux xieraq, huwa neċessarju li jiġi pprovdut għall-inklużjoni tal-garanziji xierqa fl-istatut tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Barra minn hekk, orgnizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex, meta jkun qed jipprovdi s-servizzi ta’ mmaniġġjar tiegħu, tiddiskrimina, b’mod dirett jew indirett, bejn id-detenturi tad-drittijiet fuq il-bażi tan-nazzjonalità tagħhom, il-post ta’ residenza jew is-sede prinċipali.

(19)

B’kont meħud tal-libertajiet stabbiliti fit-TFUE, l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jirrikjedi li detentur tad-drittijiet għandu jkun jista’ jagħżel liberament organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-immaniġġjar tad-drittijiet tiegħu, kemm jekk dawk id-drittijiet ikunu drittijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif ukoll drittijiet ta’ riproduzzjoni, jew kategoriji ta’ drittijiet relatati ma’ forom ta’ operat bħalma huma x-xandir, il-wirjiet teatrali jew ir-riproduzzjoni għad-distribuzzjoni onlajn, bil-kundizzjoni li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li d-detentur tad-drittijiet ikun jixtieq jagħżel tkun diġà qed timmaniġġja dawn id-drittijiet jew kategoriji ta’ drittijiet.

Id-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor immaniġġjati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jiġu determinati mill-assemblea ġenerali tal-membri ta’ dik l-organizzazzjoni jekk dawn ma jkunux diġa’ ġew determinati fl-istatut tagħha jew preskritti mil-liġi. Huwa importanti li d-drittijiet u l-kategoriji ta’ drittijiet jiġu determinati b’mod li jżomm bilanċ bejn il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet li jiddisponu mix-xogħlijiet tagħhom u minn materjal tematiku ieħor u l-ħila tal-organizzazzjoni li timmaniġġja d-drittijiet b’mod effettiv billi tqis b’mod partikolari l-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjoni u s-settur kreattiv li fih hija topera. Filwaqt li jitqies kif xieraq dak il-bilanċ, id-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jirtiraw faċilment id-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom jew xogħlijiet individwali minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u jimmaniġġjaw dawk id-drittijiet b’mod individwali jew jafdaw jew jittrasferixxu l-immaniġġjar kollu jew parti minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew entità oħra irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbiliment tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-entità l-oħra jew id-detentur tad-drittijiet. Fejn Stat Membr, f’rispett għad-dritt tal-Unjoni u l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri, jipprovdi għall-immaniġġjar kollettiv mandatarju tad-drittijiet, il-għażla tad-detenturi tad-drittijiet tkun limitata għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw tipi differenti ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, bħal xogħlijiet letterarji, mużikali jew fotografiċi, għandhom ukoll jagħtu din il-flessibilità lid-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-immaniġġjar ta’ tipi differenti ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor. Sa fejn għandhom x’jaqsmu użi mhux kummerċjali, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħtu liċenzji għal tali użi. Tali passi għandhom jinkludu, inter alia, deċiżjoni mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv dwar il-kondizzjonijiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ dak id-dritt kif ukoll l-għoti lill-membri tagħhom ta’ informazzjoni dwar dawk il-kundizzjonijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinfurmaw lid-detenturi tad-drittijiet dwar din l-għażla u jippermettulhom jeżerċitaw id-drittijiet relatati ma’ dawk l-għażliet b’mod kemm jista’ jkun faċli. Id-detenturi tad-drittijiet li jkunu diġà awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jistgħu jiġu mgħarrfa permezz tas-sit elettroniku tal-organizzazzjoni. Rekwiżit li jingħata l-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet fl-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar ta’ kull dritt, kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor m’għandux jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jaċċettaw emendi sussegwenti proposti għal dik l-awtorizzazzjoni bi ftehim awtomatiku skont il-kundizzjonijiet spjegati fid-dritt nazzjonali. La l-arranġament kuntrattwali skont liema arranġamenti terminazzjoni jew irtirar min-naħa tad-detenturi tad-drittijiet għandhom effett immedjat fuq il-liċenzji mogħtija qabel tali terminazzjoni jew irtirar, u l-anqas l-arranġamenti kuntrattwali skont liema arranġamenti tali liċenzji jibqgħu mhux affettwati għal ċertu perjodu ta’ żmien wara tali terminazzjoni jew irtirar, ma huma, bħala tali, preklużi minn din id-Direttiva. Tali arranġamenti m’għandhomx, madankollu, joħolqu ostaklu għall-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva ma għandhiex tippreġudika l-possibbiltà li d-detenturi tad-drittijiet jimmaniġġjaw id-drittijiet tagħhom b’mod individwali, inkluż fil-każ tal-użi mhux kummerċjali.

(20)

L-adeżjoni għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji, inkluż fir-rigward tal-pubblikaturi li permezz ta’ ftehim dwar l-isfruttament tad-drittijiet huma intitolati għal sehem mid-dħul derivat mid-drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u biex jiġbru dan id-dħul mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dawk il-kriterji m’għandhomx jobbligaw lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaċċettaw membri li l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom, il-kategoriji ta’ drittijiet tagħhom jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tagħhom jaqa’ barra mill-ambitu tal-attività tagħhom. Ir-reġistri miżmuma minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jippermettu l-identifikazzjoni u s-sejbien tal-lok tal-membri u d-detenturi tad-drittijiet tagħha li d-drittijiet tagħhom l-organizzazzjoni tkun qed tirrappreżenta abbażi ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn dawk id-detenturi tad-drittijiet.

(21)

Bil-għan li jiġu protetti dawk id-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma direttament rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv imma li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tagħha, huwa xieraq li jiġi rekwiżit li ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva relatati mal-membri jiġu applikati wkoll lil tali detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdulhom drittijiet li jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(22)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jaġixxu fl-aħjar interessi kollettivi tad-detenturi tad-drittijiet li huma jirrappreżentaw. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu pprovduti sistemi li jippermettu lill-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala membri billi jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni. Xi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom kategoriji differenti ta’ membri, li jistgħu jirrappreżentaw tipi differenti ta’ detenturi tad-drittijiet, bħalma huma l-produtturi u l-artisti. Ir-rappreżentazzjoni fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dawk il-kategoriji differenti ta’ membri għandha tkun waħda ġusta u bilanċjata. L-effettività tar-regoli dwar l-assemblea ġenerali tal-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kienet tiddgħajjef kieku ma jkunx hemm dispożizzjonijiet dwar kif għandha titmexxa l-assemblea ġenerali. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-assemblea ġenerali tissejjaħ b’mod regolari, u talanqas darba f’sena, u li l-aktar deċiżjonijiet importanti fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jittieħdu mill-assemblea ġenerali.

(23)

Il-membri kollha tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem u jivvutaw fl-assemblea ġenerali tal-membri. L-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet għandu jkun suġġett biss għal restrizzjonijiet ġusti u proporzjonati. F’xi każijiet eċċezzjonali, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġu stabbiliti fil-forma ġuridika ta’ fondazzjoni, u għaldaqstant ma għandhomx membri. F’dawn il-każijiet, is-setgħat tal-assemblea ġenerali tal-membri għandhom jiġu eżerċitati mill-korp fdat bil-funzjoni superviżorja. Fejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet bħala l-membri tagħhom, kif jista’ jkun il-każ fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun kumpanija ta’ responsabbiltà limitata u l-membri tagħha jkunu assoċjazzjnijiet tad-detenturi tad-drittijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li xi setgħat jew is-setgħat kollha tal-assemblea ġenerali tal-membri għandhom jiġu eżerċitati minn assemblea ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet. L-assemblea ġenerali tal-membri għandha, tal-inqas, ikollha s-setgħa li tistabbilixxi l-qafas tal-attivitajiet tal-maniġment, b’mod partikolari rigward l-użu tad-dħul mid-drittijiet mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dan għandu, madankollu, ikun mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti dwar, pereżempju, investimenti, fużjonijiet jew it-teħid ta’ self, inkluża projbizzjoni fuq kwalunkwe tali tranżazzjoni. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni attiva tal-membri tagħhom fl-assemblea ġenerali. L-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot għandu jkun iffaċilitat għall-membri li jattendu l-assemblea ġenerali u anke għal dawk li ma jattendux. Minbarra li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz ta’ mezzi elettroniċi, il-membri għandhom jitħallew jieħdu sehem u jivvutaw fl-assemblea ġenerali tal-membri permezz ta’ prokura. Il-votazzjoni bil-prokura għandha tkun ristretta f’każijiet ta’ konflitti ta’ interess. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għal restrizzjonijiet fir-rigward ta’ prokuri fil-każ biss fejn dan ma jippreġudikax il-parteċipazzjoni xierqa u effettiva tal-membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. B’mod partikolari, il-ħatra ta’ detenturi ta’ prokuri tikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni xierqa u effettiva tal-membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet ikollhom opportunità ġenwina li jagħżlu li jkollhom organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom irrispettivament mill-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tkun stabbilita.

(24)

Il-membri għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-monitoraġġ kontinwu tal-immaniġġjar tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Għal dak il-għan, dawk l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom funzjoni superviżorja li tkun xierqa għall-istruttura organizzattiva tagħhom u għandhom jippermettu lill-membri jiġu rappreżentati fil-korp li jeżerċita dik il-funzjoni. Skont l-istruttura organizzattiva tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-funzjoni superviżorja tista’ tiġi eżerċitata minn korp separat, bħalma hu bord superviżorju, jew minn dawk id-diretturi fil-bord amministrattiv, kollha jew xi wħud minnhom, li ma jimmaniġġjawx l-attività tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Ir-rekwiżit ta’ rappreżentazzjoni ġusta u bilanċjata tal-membri m’għandux jipprevjeni lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli taħtar partijiet terzi biex jeżerċitaw il-funzjoni superviżorja, inklużi persuni b’kompetenza professjonali rilevanti, u detenturi tad-drittijiet li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-adeżjoni jew li mhumiex rappreżentati mill-organizzazzjoni b’mod dirett iżda permezz ta’ entità li tkun membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(25)

Għal raġunijiet ta’ mmaniġġjar tajjeb, il-maniġment ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkun indipendenti. Il-maniġers, kemm jekk eletti bħala diretturi, kemm jekk imħaddma għal żmien qasir u kemm jekk impjegati mill-organizzazzjoni abbażi ta’ kuntratt, għandhom ikunu obbligati jiddikjaraw, qabel ma jieħdu l-pożizzjoni tagħhom u minn dakinhar ‘il quddiem fuq bażi annwali, jekk hemmx kunflitti bejn l-interessi tagħhom u dawk tad-detenturi tad-drittijiet li huma rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tali dikjarazzjonijiet annwali għandhom isiru wkoll mill-persuni li jeżerċitaw il-funzjoni superviżorja. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jirrikjedu li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jagħmlu dawn id-dikjarazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku jew li jressquhom lill-awtoritajiet pubbliċi.

(26)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġbru, jimmaniġġjaw u jqassmu d-dħul mill-isfruttament tad-drittijiet fdati lilhom mid-detenturi tad-drittijiet. Dak id-dħul fl-aħħar mill-aħħar huwa dovut lil detenturi tad-drittijiet, li jista’ jkollhom relazzjoni ġuridika diretta mal-organizzazzjoni, jew jistgħu jiġu rappreżentati permezz ta’ entità li hija membru tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew permezz ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv teżerċita l-ogħla diliġenza fil-ġbir, l-immaniġġjar u t-tqassim ta’ dak id-dħul. It-tqassim preċiż huwa possibbli biss fejn l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv iżżomm rekords tajbin tal-membri, il-liċenzji u l-użu ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor. Id-dejta rilevanti li hija rikjesta għall-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet għandha tkun ipprovduta wkoll mid-detenturi tad-drittijiet u l-utenti u tkun verifikata mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(27)

L-ammonti miġbura u dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandhom jinżammu separatament fil-kontijiet minn kwalunkwe assi proprji li jista’ jkollha l-organizzazzjoni. Mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti fuq l-investiment, inkluża projbizzjoni ta’ investiment tad-dħul mid-drittijiet, fejn tali ammonti jiġu investiti, dan għandu jsir skont il-politika ġenerali dwar l-investiment u l-immaniġġjar tar-riskju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Sabiex jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe dħul li jista’ jirriżulta mill-isfruttar ta’ tali drittijiet imur għall-benefiċċju tagħhom, l-investimenti li tagħmel l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u li hi d-detentriċi tagħhom, għandhom ikunu mmaniġġjati skont il-kriterji li jkunu jobbligaw lill-organizzazzjoni tieħu azzjoni prudenti, filwaqt li jippermettulha tiddeċiedi dwar l-iktar politika ta’ investiment sikura u effiċjenti. Dan għandu jippermetti lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħżel allokazzjoni tal-assi li taqbel man-natura preċiża u d-durata ta’ kwalunkwe esponiment għar-riskju ta’ kwalunkwe dħul mid-drittijiet investit u ma tippreġudikax indebitament kwalunkwe dħul mid-drittijiet dovut lid-detenturi tad-drittijiet.

(28)

Billi d-detenturi tad-drittijiet huma intitolati li jitħallsu għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom, huwa importanti li t-tariffi tal-immaniġġjar ma jkunux ogħla mill-ispejjeż ġustifikati tal-immaniġġjar tad-drittijiet u li kwalunkwe tnaqqis, minbarra fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, pereżempju tnaqqis għal finijiet soċjali, kulturali jew edukattivi, għandu jiġi deċiż mill-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu trasparenti lejn id-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tar-regoli li jirregolaw tali tnaqqis, L-istess rekwiżiti għandhom japplikaw għal kwalunkwe deċiżjoni biex id-dħul mid-drittijiet jintuża għad-distribuzzjoni kollettiva, bħalma huma l-boroż ta’ studju. Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom aċċess, fuq bażi nondiskriminatorja, għal kwalunkwe servizz soċjali, kulturali jew edukattiv li jkun iffinanzjat permezz ta’ dan it-tnaqqis. Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa it-tnaqqis skont il-liġi nazzjonali, bħalma hu t-tnaqqis għall-provvediment ta’ servizzi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett li mhux regolat minn din id-Direttiva kemm-il darba tali tnaqqis ikun jirrispetta d-dritt tal-Unjoni.

(29)

Id-distribuzzjoni u l-ħlas ta’ ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali jew, skont ma jkun il-każ, lil kategoriji ta’ detenturi tad-drittijiet, għandhom jitwettqu b’mod li jkun f’waqtu u skont il-politika ġenerali dwar id-distribuzzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikkonċernati, inkluż meta jitwettqu permezz ta’ entità oħra li tirrappreżenta lid-detenturi tad-drittijiet. Huma biss raġunijiet oġġettivi li jkunu barra mill-kontroll ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li jistgħu jiġġustifikaw dewmien fid-distribuzzjoni u l-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, Għalhekk, ċirkostanzi bħal pereżempju fejn id-dħul mid-drittijiet ikunu ġew investiti suġġett għal data ta’ maturità ma għandhomx jikkwalifikaw bħala raġunijiet validi għal tali dewmien. Huwa xieraq li jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu dwar regoli li jiżguraw id-distribuzzjoni f’waqtha u t-tiftixa effettiva għal, u l-identifikazzjoni ta’, detenturi tad-drittijiet f’każijiet fejn iseħħu tali raġunijiet oġġettivi. Bil-għan li jiġi żgurat li l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet jiġu distribwiti b’mod xieraq u effettiv, mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jipprovdu għal regoli aktar stretti, jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jiġu rekwiżiti jieħdu miżuri raġonevoli u diliġenti, abbażi tal-bona fede, biex jidentifikaw u jsibu fejn huma d-detenturi rilevanti tad-drittijiet. Huwa xieraq ukoll li l-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, sa fejn ikun permess skont id-dritt nazzjonali, għandhom jiddeċiedu dwar l-użu ta’ kwalunkwe ammonti li ma jistgħux jiġu distribwiti f’sitwazzjonijiet fejn id-dententuri tad-drittijiet li huma intitolati għal dawk l-ammonti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati jew ma jkunux jistgħu jinstabu.

(30)

L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw id-drittijiet u jiġbru d-dħul mill-isfruttament tagħhom skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra. Biex tħares id-drittijiet tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni u dawk li timmaniġġja direttament għad-detenturi tad-drittijiet tagħha. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lanqas ma għandha titħalla tapplika tnaqqis fuq id-dħul mid-drittijiet miġbur f’isem organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, minbarra tnaqqis fir-rigward ta’ tariffi tal-immaniġġjar, mingħajr il-kunsens espliċitu tal-organizzazzjoni l-oħra. Huwa xieraq ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikunu rekwiżiti li jiddistribwixxu u jagħmlu ħlasijiet lil organizzazzjonijiet oħra abbażi ta’ tali ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni mhux aktar tard minn meta jiddistribwixxu u jagħmlu ħlasijiet lill-membri tagħhom stess u lid-detenturi tad-drittijiet mhux membri li huma jirrappreżentaw. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni riċevitriċi għandha min-naħa tagħha tkun rekwiżita li tiddistribwixxi l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li hija tirrappreżenta mingħajr dewmien.

(31)

Termini kummerċjali ġusti u nondiskriminatorji fl-għoti ta’ liċenzji huma partikolarment importanti biex jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jottjenu liċenzji għal xogħlijiet u materjal tematiku ieħor li fir-rigward tagħhom organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta d-drittijiet, u biex tiġi żgurata r-remunerazzjoni xierqa tad-detenturi tad-drittijiet. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom imexxu n-negozjati tal-ħruġ ta’ liċenzji in bona fede u japplikaw tariffi li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Huwa xieraq li jiġi rekwiżit li t-tariffa tal-liċenzji jew ir-rimunerazzjoni determinati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun raġonevoli f’relazzjoni, inter alia, mal-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet f’kuntest partikolari. Fl-aħħar nett, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom iwieġbu mingħajr dewmien żejjed għat-talbiet tal-utenti għal liċenzji.

(32)

Fl-ambjent diġitali, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv huma rekwiżiti b’mod regolari li joħorġu liċenzja għar-repertorju tagħhom għal forom totalment ġodda ta’ sfruttament u mudelli ta’ negozju. F’każijiet bħal dawn u bil-għan li jitrawwem ambjent li jwassal għall-iżvilupp ta’ tali liċenzji, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom il-flessibilità meħtieġa biex jipprovdu, malajr kemm jista’ jkun, liċenzji individwalizzati għal servizzi onlajn innovattivi, mingħajr ir-riskju li t-termini ta’ dawk il-liċenzji jistgħu jintużaw bħala preċedent biex jiġu determinati t-termini għal liċenzji oħra.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva, l-utenti għandhom jagħtu lil dawk l-organizzazzjonijiet l-informazzjoni rilevanti dwar l-użu tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Dan l-obbligu m’għandux japplika għall-persuni fiżiċi li qed jaġixxu għal finijiet li huma barra mill-mestier, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom u li għalhekk jaqgħu barra mid-definizzjon tal-utent kif stipulat f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-informazzjoni rikjesta mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun limitata għal dak li hu raġonevoli, meħtieġ u għad-dispożizzjoni tal-utent sabiex tali organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Dak l-obbligu jista’ jiġi inkluż fi ftehim bejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u utent; dan ma jipprekludix id-drittijiet statutorji nazzjonali għall-informazzjoni. L-iskadenzi applikabbli għall-fornimet tal-informazzjoni min-naħa tal-utenti għandhom ikunu tali li jippermettu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw l-iskadenzi ffissati għad-distribuzzjoni tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibilità li l-Istati Membri jesiġu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tagħhom li joħorġu fatturi konġunti.

(34)

Sabiex isaħħu l-fiduċja tad-detenturi tad-drittijiet, l-utenti u organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra fl-immaniġġjar tad-drittijiet li jsir minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ trasparenza speċifiċi. Għaldaqstant, kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew il-membru tagħha li jkun entità responsabbli għall-attribuzzjoni jew il-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet għandha tkun rekwiżita tagħti ċerta informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet individwali tal-inqas darba fis-sena, bħalma huma l-ammonti attribwiti jew imħallsa lilhom u t-tnaqqis li jkun sar. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu rekwiżiti wkoll jipprovdu informazzjoni suffiċjenti, inkluża informazzjoni finanzjarja, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra li tagħhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni.

(35)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u l-utenti jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambitu tal-attività tal-organizzazzjoni u x-xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hija tirrappreżenta, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħti informazzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet bi tweġiba għal talba debitament iġġustifikata. Il-kwistjoni ta’ jekk jistgħux jintalbu tariffi raġonevoli għall-forniment ta’ dan is-servizz, u sa fejn jistgħu jintalbu, għandha titħalla għal-liġi nazzjonali. Kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha wkoll tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar l-istruttura tagħha u l-mod li bih twettaq l-attivitajiet tagħha, inkluż b’mod partikolari l-istatuti u l-politiki ġenerali tagħha dwar it-tariffi tal-immaniġġjar, it-tnaqqis u t-tariffi.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’pożizzjoni li jistgħu jimmonitorjaw u jqabblu l-prestazzjonijiet rispettivi tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, tali organizzazzjonijiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku rapport annwali dwar it-trasparenza li jkun jikkonsisti f’informazzjoni finanzjarja awditjata kumparabbli li tkun speċifika għall-attivitajiet tagħhom. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ukoll iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku rapport annwali speċjali, li jifforma parti mir-rapport annwali dwar it-trasparenza, dwar l-użu tal-ammonti ddedikati lis-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi. Din id-Direttiva m’għandhiex timpedixxi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli tippubblika l-informazzjoni rekwiżita mir-rapport annwali dwar it-trasparenza f’dokument wieħed, pereżempju bħala parti mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tagħha, jew f’rapporti separati.

(37)

Il-fornituri ta’ servizzi onlajn li jagħmlu użu minn xogħlijiet mużikali, bħal servizzi mużikali li jippermettu lill-konsumaturi jniżżlu l-mużika jew jisimgħuha permezz ta’ streaming, kif ukoll servizzi oħra li jipprovdu aċċess għal films jew logħob fejn il-mużika hija element importanti, l-ewwel iridu jiksbu d-dritt li jużaw dawn ix-xogħlijiet. Id-Direttiva 2001/29/KE tirrikjedi li tiġi ottenuta liċenzja għal kull wieħed mid-drittijiet fl-isfruttament onlajn tax-xogħlijiet mużikali. Fir-rigward tal-awturi, dawk id-drittijiet huma d-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni u d-dritt esklussiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet mużikali, li jinkludi d-dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Dawk id-drittijiet jistgħu jiġu mmaniġġjati mid-detenturi tad-drittijiet stess individwalment, bħalma huma awturi jew pubblikaturi mużikali, jew mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu servizzi ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet. Organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti jistgħu jimmaniġġjaw id-drittijiet tar-riproduzzjoni tal-awturi u tal-komunikazzjoni lill-pubbliku. Barra minn hekk, hemm każijiet fejn għadd ta’ detenturi tad-drittijiet għandhom drittijiet fl-istess xogħol u jistgħu jkunu awtorizzaw organizzazzjonijiet differenti biex joħorġu liċenzja għas-sehem rispettiv tagħhom ta’ drittijiet fix-xogħol. Kull utent li jixtieq jipprovdi servizz onlajn li joffri għażla wiesgħa ta’ xogħlijiet mużikali lill-konsumaturi jeħtieġ li jaggrega d-drittijiet fix-xogħlijiet minn detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti.

(38)

Filwaqt li l-Internet ma għandu l-ebda konfini, is-suq onlajn għas-servizzi tal-mużika fl-Unjoni għadu frammentat, u għadu ma seħħx għalkollox suq uniku diġitali. F’numru ta’ każijiet, il-kumplessità u d-diffikultà assoċjati mal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet fl-Ewropa aggravaw din il-frammentazzjoni tas-suq diġitali Ewropew għas-servizzi tal-mużika onlajn. Din is-sitwazzjoni tikkuntrasta bil-kbir mat-talba li qed tikber b’mod rapidu min-naħa tal-konsumaturi għall-aċċess għal kontenut diġitali u servizzi innovattivi assoċjati, inkluż lil hinn minn fruntieri nazzjonali.

(39)

Ir-Rakkomandazzjoni 2005/737/KE ippromwoviet ambjent regolatorju ġdid li huwa aktar adattat għall-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ mużika onlajn leġittimi, fil-livell tal-Unjoni. Ir-rakkomandazzjoni tirrikonoxxi li fl-era tal-isfruttament onlajn tax-xogħlijiet mużikali, l-utenti kummerċjali jeħtieġu politika ta’ ħruġ ta’ liċenzji li tikkorrispondi għall-ubikwità tal-ambjent onlajn u hija multiterritorjali. Madankollu, ir-Rakkomandazzjoni ma kinitx suffiċjenti biex tħeġġeġ il-ħruġ mifrux ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jew biex tindirizza d-domandi speċifiċi tal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali.

(40)

Fis-settur tal-mużika onlajn, fejn l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi fuq bażi territorjali tibqa’ n-norma, huwa essenzjali li jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għall-prattiki ta’ ħruġ ta’ liċenzji l-aktar effettivi mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv f’kuntest li qed isir dejjem iżjed transkonfinali. Għaldaqstant huwa xieraq li jiġi pprovdut sett ta’ regoli li jippreskrivu l-kundizzjonijiet bażiċi għall-forniment mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ta’ ħruġ ta’ liċenzji kollettivi multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, inkluża l-lirika. L-istess regoli għandhom japplikaw għal tali għoti ta’ liċenzji għax-xogħlijiet mużikali kollha, inklużi x-xogħlijiet mużikali inkorporati f’xogħlijiet awdjoviżivi. Madankollu, is-servizzi onlajn li jipprovdu unikament aċċess għal xogħlijiet mużikali f’forma ta’ mużika stampata fuq folji separati m’għandhomx jiġu koperti. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jiżguraw il-kwalità minima meħtieġa ta’ servizzi transkonfinali pprovduti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, b’mod partikolari f’dawk li huma t-trasparenza tar-repertorju rappreżentat u l- preċiżjoni tal-flussi finanzjarji relatati mal-użu tad-drittijiet. Dawn għandhom jistabbilixxu wkoll qafas biex jiffaċilita l-aggregazzjoni volontarja tar-repertorju u d-drittijiet tal-mużika, u b’hekk inaqqsu l-għadd ta’ liċenzji li għandu bżonn utent biex jopera servizz multirepertorju, multiterritorju. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jippermettu lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv titlob organizzazzjoni oħra tirrappreżenta r-repertorju tagħha fuq bażi multiterritorjali meta hija ma tkunx tista’jew ma tkunx tixtieq tissodisfa r-rekwiżiti hi stess. Għandu jkun hemm obbligu fuq l-organizzazzjoni rikjesta, sakemm din diġà taggrega r-repertorji u toffri jew tagħti liċenzji multiterritorjali, biex taċċetta l-mandat tal-organizzazzjoni li tagħmel it-talba. L-iżvilupp ta’ servizzi ta’ mużika onlajn legali fl-Ewropa kollha għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda kontra l-infrazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur onlajn.

(41)

Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u komprensiva dwar xogħlijiet mużikali, id-detenturi tad-drittijiet u d-drittijiet li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija awtorizzata li tirrappreżenta f’territorju partikolari hija ta’ importanza partikolari għal proċess effettiv u trasparenti tal-ħruġ ta’ liċenzji, għall-ipproċessar sussegwenti tar-rapporti tal-utenti u l-fatturazzjoni relatata tal-fornituri tas-servizzi, u għat-tqassim tal-ammonti dovuti. Għal dik ir-raġuni, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jagħtu liċenzji multiterritorjali għal xogħlijiet mużikali għandhom ikunu jistgħu jipproċessaw din id-dejta ddettaljata b’mod rapidu u preċiż. Dan jeħtieġ l-użu ta’ bażijiet ta’ dejta dwar is-sjieda ta’ drittijiet li huma liċenzjati fuq bażi multiterritorjali, li jinkludu dejta li tippermetti l-identifikazzjoni tax-xogħlijiet, id-drittijiet u d-detenturi tad-drittijiet li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun awtorizzata li tirrappreżenta u tat-territorji koperti mill-awtorizzazzjoni. Kwalunkwe tibdil ta’ dik l-informazzjoni għandu jitqies mingħajr dewmien żejjed u l-bażijiet ta’ dejta għandhom jiġu aġġornati kontinwament. Dawk il-bażijiet ta’ dejta għandhom jgħinu wkoll fit-tqabbil tal-informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ma’ informazzjoni dwar il-fonogrammi jew kwalunkwe fissazzjoni oħra li fiha ġie inkorporat ix-xogħol. Huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li l-utenti u d-detenturi tad-drittijiet prospettivi, kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, ikollhom aċċess għall-informazzjoni li jeħtieġu bil-għan li jidentifikaw ir-repertorju li dawk l-organizzazzjonijiet ikunu qed jirrappreżentaw. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri biex iħarsu l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex jikkontrollaw l-użu mill-ġdid tagħhom u biex iħarsu l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(42)

Sabiex jiżguraw li d-dejta dwar ir-repertorju tal-mużika li jipproċessaw tkun kemm jista’ jkun preċiża, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal xogħlijiet mużikali għandhom ikunu meħtieġa jaġġornaw il-bażijiet tad-dejta tagħhom kontinwament u mingħajr dewmien skont il-ħtieġa. Dawn għandhom jistabbilixxu proċeduri aċċessibbli faċilment biex jippermettu lill-fornituri tas-servizzi onlajn, kif ukoll lid-detenturi tad-drittijiet u lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra jinfurmawhom dwar kull ineżattezza li jista’ jkun fiha l-bażi tad-dejta tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward tax-xogħlijiet li huma proprjetà tagħhom jew li jikkontrollaw, inklużi drittijiet – b’mod parzjali jew sħiħ – u t-territorji li għalihom awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv rilevanti biex taġixxi, mingħajr madankollu ma titfa’ f’periklu l-veraċità u l-integrità tad-dejta li jkollha f’idejha l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv. Peress li d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) tagħti lil kull suġġett tad-dejta d-dritt li jikseb rettifika, tħassir jew imblokk ta’ dejta mhux preċiża jew mhux kompluta, din id-Direttiva għandha tiżgura wkoll li l-informazzjoni mhux preċiża rigward detenturi tad-drittijiet jew organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra fil-każ ta’ liċenzji multiterritorjali għandha tiġi korreġuti mingħajr dewmien żejjed. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom il-kapaċità li jipproċessaw elettronikament ir-reġistrazzjoni tax-xogħlijiet u l-awtorizzazzjonijiet biex jiġu mmaniġġjati d-drittijiet. Minħabba l-importanza tal-awtomazzjoni tal-informazzjoni għall-ipproċessar rapidu u effettiv tad-dejta, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jipprovdu għall-użu ta’ mezzi elettroniċi għall-komunikazzjoni strutturata ta’ dik l-informazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. Sa fejn hu possibbli, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jiżguraw li dawn il-mezzi elettroniċi jqisu l-istandards jew il-prattiki tal-industrija volontarji rilevanti li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni.

(43)

L-istandards industrijali għall-użu tal-mużika, ir-rappurtar tal-bejgħ u l-fatturazzjoni huma strumentali fit-titjib tal-effiċjenza fl-iskambju tad-dejta bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti. Il-monitoraġġ tal-użu tal-liċenzji għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali. Sabiex jiġi żgurat li dawn il-gwadanji fl-effiċjenza jissarfu f’ipproċessar finanzjarju aktar rapidu u finalment f’pagamenti aktar kmieni lid-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu meħtieġa li jibgħatu fattura lill-fornituri tas-servizzi u li jqassmu l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet mingħajr dewmien. Biex dan ir-rekwiżit ikun effettiv, huwa meħtieġ li l-utenti jagħtu lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv rapporti preċiżi u fil-ħin dwar l-użu tax-xogħlijiet. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhomx ikunu obbligati jaċċettaw ir-rapporti tal-utenti f’formati proprjetarji meta jkunu disponibbli standards industrijali li jintużaw b’mod mifrux ħafna. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhomx jiġu preklużi milli jesternalizzaw servizzi relatati mal-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Il-kondiviżjoni jew il-konsolidazzjoni ta’ kapaċitajiet tal-“back office” għandhom jgħinu lill-organizzazzjonijiet itejbu s-servizzi ta’ mmaniġġjar u jirrazzjonalizzaw l-investimenti fil-għodod tal-immaniġġjar tad-dejta.

(44)

L-aggregazzjoni ta’ repertorji mużikali differenti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tiffaċilita l-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzji u, billi tagħmel ir-repertorji kollha aċċessibbli għas-suq għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, issaħħaħ id-diversità kulturali u tikkontribwixxi għat-tnaqqis fin-numru ta’ tranżazzjonijiet, li fornitur ta’ servizzi onlajn jeħtieġ sabiex joffri servizzi. Din l-aggregazzjoni ta’ repertorji għandha tiffaċilita l-iżvilupp ta’ servizzi onlajn ġodda, u għandha tirriżulta wkoll fi tnaqqis fil-kosti ta’ tranżazzjoni li jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li mhumiex lesti jew mhumiex kapaċi jagħtu liċenzji multiterritorjali direttament fir-repertorju mużikali tagħhom proprju għandhom jiġu inkoraġġiti biex fuq bażi volontarja jawtorizzaw organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex jimmaniġġjaw ir-repertorju tagħhom fuq bażi mhux diskriminatorji. L-esklussività fil-ftehimiet dwar il-liċenzji multiterritorjali tkun tirrestrinġi l-għażliet disponibbli għall-utenti li jkunu qed ifittxu liċenzji multiterritorjali u tirrestrinġi wkoll l-għażliet disponibbli għall-organizzazzjojiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jkunu qed ifittxu servizzi amministrattivi għar-repertorju tagħhom fuq bażi multiterritorjali. Għaldaqstant, il-ftehimiet kollha ta’ rappreżentazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għandhom jiġu konklużi fuq bażi mhux esklussiva.

(45)

It-trasparenza tal-kundizzjonijiet li taħthom l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jimmaniġġjaw id-drittijiet onlajn hija ta’ importanza partikolari għall-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Għaldaqstant, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-membri tagħhom dwar it-termini ewlenin ta’ kull ftehim li jawtorizza kwalunkwe organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex tirrappreżenta d-drittijiet ta’ mużika onlajn ta’ dawk il-membri għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

(46)

Huwa importanti wkoll li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toffri jew tagħti liċenzji multiterritorjali tkun rekwiżita taqbel li tirrappreżenta r-repertorju ta’ kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tiddeċiedi li ma tagħmilx hekk direttament. Biex jiġi żgurat li dan ir-rekwiżit ma jkunx sproporzjonat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha tkun obbligata li taċċetta r-rappreżentazzjoni biss jekk it-talba tkun limitata għad-dritt onlajn jew għall-kategoriji ta’ drittijiet onlajn li tkun tirrappreżenta hi stess. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit għandu japplika biss għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jaggregaw ir-repertorju u ma għandux jestendi għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipprovdu liċenzji multiterritorjali għar-repertorju tagħhom proprju biss. Lanqas ma għandu japplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li sempliċement jaggregaw id-drittijiet fl-istess xogħlijiet għall-fini li jkunu jistgħu jilliċenzjaw b’mod konġunt kemm id-dritt tar-riproduzzjoni kif ukoll id-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta’ tali xogħlijiet. Biex jiġu mħarsal-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tkun qed tagħti l-awtorizzazzjoni u bil-għan li jiġi żgurat li r-repertorji żgħar u inqas magħrufa fl-Istati Membri jkunu jistgħu jidħlu fis-suq intern b’kundizzjonijiet indaqs, huwa importanti li r-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tkun qed tagħti l-awtorizzazzjoni jiġi mmaniġġjat bl-istess kudizzjonijiet bħar-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata u li jiġi inkluż fl-offerti indirizzati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata lill-fornituri tas-servizzi onlajn. It-tariffa tal-immaniġġjar imposta mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tippermetti lil dik l-organizzazzjoni tirkupra l-investimenti meħtieġa u raġonevoli mġarrba. Kull ftehim li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet oħra biex jagħtu liċenzji multiterritorjali fir-repertorju tal-mużika tagħha stess għall-użu onlajn ma għandux jipprevjeni lill-ewwel organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv imsemmija milli tkompli tagħti liċenzji limitati għat-territorju tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita dik l-organizzazzjoni, fir-repertorju tagħha stess u fi kwalunkwe repertorju ieħor li tista’ tiġi awtorizzata li tirrappreżenta f’dak it-territorju.

(47)

L-objettivi u l-effettività tar-regoli dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kienu jkunu mitfuha f’riskju sinifikanti kieku d-detenturi tad-drittijiet ma kinux kapaċi jeżerċitaw dawn id-drittijiet fir-rigward tal-liċenzji multiterritorjali meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li lilha jkunu taw id-drittijiet tagħhom ma tkunx tat jew ma tkunx offriet liċenzji multiterritorjali u barra minn hekk ma tkunx riedet tawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex tagħmel dan. Għal din ir-raġuni, ikun importanti f’dawn iċ-ċirkustanzi li d-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jagħtu l-liċenzji multiterritorjali rikjesti mill-fornituri tas-servizzi onlajn huma stess jew permezz ta’ parti jew partijiet oħra, billi jirtiraw id-drittijiet tagħhom mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oriġinali tagħhom sa fejn ikun meħtieġ għal-liċenzjar multiterritorjali għall-użi onlajn, u li jħallu l-istess drittijiet mal-organizzazzjoni oriġinali tagħhom għall-finijiet ta’ liċenzjar monoterritorjali.

(48)

Ġeneralment, l-organizzazzjonijiet tax-xandir iserrħu fuq liċenzja minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lokali, għax-xandiriet tagħhom stess ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jinkludu xogħlijiet mużikali. Ħafna drabi dik il-liċenzja hija limitata għal attivitajiet ta’ xandir. Tkun meħtieġa liċenzja għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali sabiex dawn ix-xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jkunu jistgħu jkunu disponibbli wkoll onlajn. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ liċenzji ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet ta’ trażmissjoni simultanja u differita ta’ xandiriet tat-televiżjoni jew tar-radju jeħtieġ li tiġi pprovduta deroga mir-regoli li nkella jkunu japplikaw għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Deroga bħal din għandha tkun limitata għal dak li huwa neċessarju biex ikun possibbli aċċess għal programmi tat-televiżjoni jew tar-radju onlajn u għal materjal li għandu relazzjoni ċara u subordinata max-xandira oriġinali prodotta għal finijiet bħal pereżempju supplimentar, previżjoni jew rieżami ta’ dak il-programm tat-televiżjoni jew tar-radju konċernat. Dik id-deroga ma għandhiex topera b’tali mod li tfixkel il-kompetizzjoni b’servizzi oħra li jagħtu lill-konsumaturi aċċess għal xogħlijiet mużikali jew awdjoviżivi individwali, u lanqas ma għandha twassal għal prattiki restrittivi, bħalma huma l-kondiviżjoni tas-suq jew tal-konsumaturi, ħaġa li tkun bi ksur tal-Artikoli 101 jew 102 tat-TFUE.

(49)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont din id-Direttiva. L-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv għandhom joffru lill-membri tagħhom proċeduri speċifiċi għat-trattament tal-ilmenti. Dawk il-proċeduri għandhom jitqiegħdu wkoll għad-dispożizzjoni ta’ detenturi ta’ drittijiet oħra li huma rrappreżentati direttament mill-organizzazzjoni u għal organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li f’isimhom timmaniġġja d-drittijiet taħt ftehim ta’ rappreżentanza. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, il-membri tagħhom, id-detenturi tad-drittijiet u l-utenti rigward l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jista’ jiġi sottomess għal proċedura alternattiva rapida, indipendenti u imparzjali ta’ riżolviment ta’ tilwim. B’mod partikolari, l-effikaċja tar-regoli dwar l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali tista’ tiġi mdgħajfa jekk it-tilwim bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet oħra ma jiġix riżolt malajr u b’mod effiċjenti. B’riżultat ta’ dan, huwa xieraq li, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ aċċess għal tribunal, tiġi pprovduta l-possibilità ta’ proċeduri extra ġudizzjarji aċċessibbli faċilment, effiċjenti u imparzjali, bħalma huma l-medjazzjoni jew l-arbitraġġ, biex jiġu riżolti l-kunflitti bejn, fuq naħa waħda, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jagħtu l-liċenzji multiterritorjali u fuq in-naħa l-oħra, l-fornituri tas-servizzi onlajn, id-detenturi tad-drittijiet jew organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, min-naħa l-oħra. Din id-Direttiva la tippreskrivi mod speċifiku li bih tali riżolviment ta’ tilwim alternattiva għandha tiġi organizzata, u l-anqas ma tiddetermina liema korp għandu jwettaqha, kemm-il darba l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effiċjenza tagħha huma ggarantiti. Fl-aħħar, huwa xieraq ukoll li l-Istati Membri jiġu rekwiżiti jkollhom proċeduri ta’ riżolviment ta’ tilwim li jkunu indipendenti, imparzjali u effettivi, permezz ta’ korpi li għandhom għarfien espert fil-liġi tal-proprjetà intellettwali jew permezz ta’ qrati, li jkunu adatti biex jirriżolvu t-tilwim kummerċjali bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti dwar il-kondizzjonijiet eżistenti jew proposti ta’ ħruġ tal-liċenzji jew dwar ksur ta’ kuntratt.

(50)

L-Istati Membri għandhomx jistabbilixxu proċeduri xierqa li permezz tagħhom ikun possibbli li tiġi mmonitorjata l-konformità mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma’ din id-Direttiva. Filwaqt li mhuwiex xieraq li din id-Direttiva tirrestrinġi l-għażla tal-Istati Membri fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti, u lanqas fir-rigward tan-natura ex-ante jew ex-post tal-kontroll fuq l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, għandu jiġi żgurat li tali awtoritajiet ikunu kapaċi jindirizzaw b’mod effettiv u f’waqtu kwalunkwe preokkupazzjoni li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu obbligati jistabbilixxu awtoritajiet kompetenti ġodda. Barra minn hekk, għandu jkun ukoll possibbli li l-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet oħra interessati jinnotifikaw awtorità kompetenti fir-rigward ta’ attivitajiet jew ċirkostanzi li, fl-opinjoni tagħhom, jikkostitwixxu ksur tal-liġi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u, fejn rilevanti, minn utenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa jimponu sanzjonijiet jew miżuri fejn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva ma jkunu rispettati. Din id-Direttiva ma tipprovdix għal tipi speċifiċi ta’ sanzjonijiet jew miżuri, kemm-il darba jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Tali sanzjonijiet jew miżuri jistgħu jinkludu ordnijiet biex jitneħħew diretturi li jkunu aġixxew b’mod negliġenti, spezzjonijiet fil-bini ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, f’każijiet fejn tinħareġ awtorizzazzjoni biex organizzazzjoni topera, l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjoni. Din id-Direttiva għandha tibqa’ newtrali fir-rigward tar-reġimi ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u ta’ superviżjoni fl-Istati Membri, inkluż rekwiżit li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun rappreżentata, sakemm dawk ir-reġimi jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni u ma joħolqux xkiel għall-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-Direttiva.

(51)

Sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq konformità mar-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin biex jilħqu dak l-għan. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxi għajnuna reċiproka permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom bil-għan li jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv.

(52)

Huwa importanti li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali ta’ kwalunkwe detentur tad-drittijiet, membru, utent u individwu ieħor li jipproċessaw id-dejta personali tiegħu. Id-Direttiva 95/46/KE tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dik id-Direttiva u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħtura mill-Istati Membri. Id-detenturi tad-drittijiet, għandhom jingħataw informazzjoni xierqa dwar l-ipproċessar tad-dejta tagħhom, ir-riċevituri ta’ dik id-dejta, il-limiti ta’ żmien għaż-żamma ta’ tali dejta fi kwalunkwe bażi ta’ dejta, u l-mod li biha d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jkollhom aċċess għad-dejta personali tagħhom li tikkonċernahom, jikkoreġuha jew iħassruha skont id-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, l-identifikaturi uniċi li jippermettu l-identifikazzjoni indiretta ta’ persuna, għandhom jiġu ttrattati bħala dejta personali skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva.

(53)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-miżuri ta’ infurzar għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtoritajiet pubbliċi indipendenti nazzjonali li huma stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva 95/46/KE biex jimmonitorjaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(54)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva relatati mar-riżolviment ta’ tilwim, ma għandux iżomm partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal tribunal kif garantit fil-Karta.

(55)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tittejjeb il-kapaċità tal-membri tagħhom fl-eżerċizzju tal-kontroll fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, li tiġi ggarantita trasparenza suffiċjenti mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u li jittejjeb il-ħruġ tal-liċenzji multiterritorjali tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom jistgħu jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, din tal-aħħar tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l- Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-objettivi.

(56)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u kwalunkwe liġi oħra rilevanti f’oqsma oħra inklużi l-kunfidenzjalità, is-sigrieti tan-negozju, il-privatezza, l-aċċess għad-dokumenti, il-liġi tal-kuntratti u l-liġi internazzjonali privata li huma relatati mal-liġijiet u l-ġurisdizzjoni tal-qrati, u l-libertà ta’ assoċjazzjoni tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem u d-dritt tagħhom għall-organizzazzjoni.

(57)

F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet iġġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur jikkunsidra t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti bħala ġġustifikata.

(58)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u ta opinjoni fid-9 ta’ Ottubru 2012,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv. Tistabbilixxi wkoll ir-rekwiżiti għall-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1.   It-titoli I, II, IV u V bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha stabbiliti fl-Unjoni.

2.   It-Titolu III u l-Artikoli 34(2) u 38 japplikaw għal dawk l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fl-Unjoni li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awturi f’xogħlijiet mużikali għal użu onlajn fuq bażi multiterritorjali.

3.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva japplikaw għall-entitajiet li huma direttament jew indirettament ipposseduti jew ikkontrollati, b’mod sħiħ jew parzjalment, minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, kemm-il darba tali entitajiet iwettqu attività li, jekk issir minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tkun soġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Artikolu 16(1), l-Artikoli 18 u 20, il-punti (a), (b), (c), (e), (f) u (g) tal-Artikolu 21(1) u l-Artikoli 36 u 42, japplikaw għall-entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti kollha stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha, u li tissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(i)

tkun ipposseduta jew ikkontrollata mill-membri tagħha;

(ii)

tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(b)

“entità ta’ mmaniġġjar indipendenti” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li hija awtorizzata mil-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor biex timmaniġġja d-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur f’isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed, għall-benefiċċju kollettiv ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet, bħala l-għan uniku jew l-għan prinċipali tagħha u li:

(i)

la tkun ipposseduta u l-anqas ikkontrollata, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mid-detenturi tad-drittijiet u

(ii)

tkun organizzata fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ;

(c)

“detentur tad-drittijiet” tfisser kull persuna jew entità, minbarra organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, li għandha dritt tal-awtur jew dritt relatat jew li, skont ftehim għall-isfruttament tad-drittijiet jew bil-liġi, hija intitolata għal sehem mid-dħul tad-drittijiet;

(d)

“membru ” tfisser detentur tad-drittijiet jew entità li tirrappreżenta detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet oħra ta’ detenturi tad-drittijiet, li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u huma ammessi minnha;

(e)

“statut” tfisser il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatut, ir-regoli jew id-dokumenti ta’ kostituzzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(f)

“assemblea ġenerali tal-membri” tfisser il-korp fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li fih il-membri jipparteċipaw u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom, irrispettivament mill-forma ġuridika tal-organizzazzjoni;

(g)

“direttur” tfisser:

(i)

fejn id-dritt nazzjonali jew l-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdu għal bord unitarju, kwalunkwe membru tal-bord amministrattiv;

(ii)

fejn id-dritt nazzjonali jew l-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jipprovdi għal bord doppju, kwalunkwe membru tal-bord ta’ tmexxija jew tal-bord superviżorju;

(h)

“dħul mid-drittijiet” tfisser id-dħul miġbur minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv f’isem id-detenturi tad-drittijiet, kemm jekk joriġina minn dritt esklussiv, minn dritt għal remunerazzjoni jew minn dritt għal kumpens;

(i)

“tariffi għall-immaniġġjar” tfisser l-ammonti imposti, imnaqqsa jew paċuti minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet sabiex tkopri l-ispejjeż marbuta mal-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tal-awtur jew id-drittijiet relatati;

(j)

“ftehim ta’ rappreżentazzjoni” tfisser kwalunkwe ftehim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra biex timmaniġġja d-drittijiet li tirrappreżenta, inkluż ftehim konkluż skont l-Artikoli 29 u 30.

(k)

“utent” tfisser kwalunkwe persuna jew entità li tkun qed twettaq atti suġġetti għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, remunerazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet jew ħlas ta’ kumpens lid-detenturi tad-drittijiet u li ma tkunx qed taġixxi fil-kapaċità ta’ konsumatur.

(l)

“repertorju” tfisser ix-xogħlijiet li fir-rigward tiegħu organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmaniġġja d-drittijiet.

(m)

“liċenzja multiterritorjali” tfisser liċenzja li tkopri t-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed;

(n)

“drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali” tfisser kwalunkwe wieħed mid-drittijiet ta’ awtur f’xogħol mużikali previsti skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2001/29/KE li huma meħtieġa għall-forniment ta’ servizz ta’ mużika onlajn.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ MMANIĠĠJAR KOLLETTIV

KAPITOLU 1

Rappreżentazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet u adeżjoni u organizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma jirrappreżentaw u li ma jimponu l-ebda obbligu fuqhom li ma jkunx oġġettivament neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tagħhom jew għall-immaniġġjar effettiv tad-drittijiet tagħhom.

Artikolu 5

Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet għandhom id-drittijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8 u li dawk id-drittijiet huma spjegati fl-istatut jew termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

2.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, għat-territorji tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-Istat Membru ta’ nazzjonalità, residenza jew stabbilment kemm tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kemm tad-detentur tad-drittijiet. Kemm-il darba l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jkollhiex raġunijiet oġġettivament ġustifikati biex tirrifjuta mmaniġġjar, hija għandha tiġi obbligata timmaniġġja tali drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor, kemm-il darba l-immaniġġjar tagħhom jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-attività tagħha.

3.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt jagħtu liċenzji għal użi mhux kummerċjali ta’ kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji tad-drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor li huma jistgħu jagħżlu.

4.   Id-detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jitterminaw l-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, il-kategoriji ta’ drittijiet jew it-tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor mogħtija minnhom lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew li jirtiraw minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv kwalunkwe wieħed mid-drittijiet, kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor tal-għażla tagħhom, kif determinat skont il-paragrafu 2, għat-territorji tal-għażla tagħhom, meta jagħtu avviż fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx is-sitt xhur. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tiddeċiedi li din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar għandu jidħol fis-seħħ biss fl-aħħar tas-sena finanzjarja.

5.   Jekk ikun hemm ammonti dovuti lil detentur tad-drittijiet għal atti ta’ sfruttament li jkunu seħħew qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ it-terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet, jew skont liċenzja mogħtija qabel ma jkunu daħlu fis-seħħ din it-terminazzjoni jew dan l-irtirar, id-detentur tad-drittijiet għandu jżomm id-drittijiet tiegħu skont l-Artikoli 12, 13, 18, 20, 28 u 33.

6.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tirrestrinġi l-eżerċitar tad-drittijiet previsti skont il-paragrafi 4 u 5 billi tirrikjedi, bħala kondizzjoni tal-eżerċitar ta’ dawk id-drittijiet, li l-immaniġġjar tad-drittijiet jew il-kategoriji ta’ drittijiet jew tipi ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li huma suġġetti għat-terminazzjoni jew l-irtirar jiġi fdat lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

7.   Fil-każijiet fejn detentur tad-drittijiet jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, huwa għandu jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li hu jawtorizza lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmaniġġja. Kwalunkwe tali kunsens għandu jiġi evidenzjat f’forma dokumentata.

8.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tinforma lid-detenturi tad-drittijiet dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi minn 1 sa 7, kif ukoll dwar kwalunkwe kundizzjoni marbuta mad-dritt stabbilit fil-paragrafu 3, qabel ma tikseb il-kunsens tagħhom biex timmaniġġja kwalunkwe dritt jew kategorija ta’ drittijiet jew tip ta’ xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor.

Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tinforma lil dawk id-detenturi tad-drittijiet li jkunu diġà awtorizzawha dwar id-drittijiet tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 7, kif ukoll dwar kwalunkwe kundizzjoni marbuta mad-dritt stabbilit fil-paragrafu 3, sal-10 ta’ Ottubru 2016.

Artikolu 6

Regoli tal-adeżjoni tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha taċċetta lid-detenturi tad-drittijiet u lill-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, inklużi organizzazzjonijiet ta’ mmanġġjar kollettiv u assoċjazzjonijiet tad-detenturi tad-drittijiet oħra, bħala membri jekk dawn ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ adeżjoni li għandhom ikunu bbażati fuq kriterji objettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Dawk ir-rekwiżiti ta’ adeżjoni għandhom jiġu inklużi fl-istatut jew it-termini ta’ sħubija tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fil-każijiet fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrifjuta li tilqa’ talba għal adeżjoni, hija għandha tipprovdi lid-detentur tad-drittijiet spjegazzjoni ċara tar-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

3.   L-istatut tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jipprovdi mekkaniżmi xierqa u effettivi ta’ parteċipazzjoni tal-membri tagħha fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni. Ir-rappreżentazzjoni tal-kategoriji differenti ta’ membri fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jkun wieħed ġust u bilanċjat.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippermetti lill-membri tagħha jikkomunikaw magħha permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż għall-finijiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-membri.

5.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha żżomm rekords tal-membri tagħha u għandha regolarment taġġorna dawk ir-rekords.

Artikolu 7

Drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jirrispettaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 6(4), 20, 29(2) u 33 fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li għandhom relazzjoni ġuridika diretta permezz tal-liġi jew permezz ta’ assenjazzjoni, liċenzja jew kwalunkwe arranġament kuntrattwali ieħor magħhom imma li mhumiex membri tagħhom.

2.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-Direttiva lid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 8

Assemblea ġenerali tal-membri tal-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assemblea ġenerali tal-membri tkun organizzata skont ir-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 10.

2.   Assemblea ġenerali tal-membri għandha tiġi organizzatamill-inqas darba f’sena.

3.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi dwar kwalunkwe emenda fl-istatut u dwar it-termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, fejn dawk it-termini ma jkunux irregolati mill-istatut.

4.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tad-diretturi, tirrieżamina l-prestazzjoni ġenerali tagħhom u tapprova r-remunerazzjoni tagħhom u benefiċċji oħra bħal benefiċċji monetarji u mhux monetarji, għotjiet ta’ pensjonijiet u drittijiet, drittijiet għal għotjiet oħra u drittijiet għal danni.

F’organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv b’sistema ta’ bord doppju, l-assemblea ġenerali tal-membri ma għandhiex tiddeċiedi dwar il-ħatra jew it-tneħħija tal-membri tal-bord ta’ tmexxija jew tapprova r-remunerazzjoni u benefiċċji oħra tagħhom fejn is-setgħa għat-teħid ta’ tali deċiżjonijiet hija delegata lill-bord superviżorju.

5.   F’konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 2 tat-Titolu II, l-assemblea ġenerali tal-membri għandha tiddeċiedi għall-anqas dwar il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

il-politika ġenerali tat-tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;

(b)

il-politika ġenerali dwar l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(c)

il-politika ta’ investiment ġenerali fir-rigward tad-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;

(d)

il-politika ġenerali dwar it-tnaqqis mid-dħul tad-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet;

(e)

l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(f)

il-politika tal-immaniġġjar tar-riskju;

(g)

l-approvazzjoni ta’ kwalunkwe akkwist, bejgħ jew ipoteka ta’ proprjetà immobbli;

(h)

l-approvazzjoni ta’ fużjonijiet u alleanzi, it-twaqqif ta’ sussidjarji, u l-akkwist ta’ entitajiet jew ishma jew drittijiet oħra f’entitajiet oħra;

(i)

l-approvazzjoni tat-teħid ta’ self, l-għoti ta’ self u l-provvediment ta’ garanzija għal self.

6.   L-assemblea ġenerali tal-membri tista’ tiddelega s-setgħat elenkati fil-punti (f), (g), (h) u (i) tal-paragrafu 5, permezz ta’ riżoluzzjoni jew permezz ta’ dispożizzjoni fl-istatut, lill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

7.   Għall-finijiet tal-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 5, l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-assemblea ġenerali tal-membri tiddetermina kundizzjonijiet aktar dettaljati għall-użu tad-dħul mid-drittijiet u l-introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet.

8.   L-assemblea ġenerali tal-membri għandha tikkontrolla l-attivitajiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv billi, tal-anqas, tiddeċiedi dwar il-ħatra u t-tneħħija tal-awditur u l-approvazzjoni tar-rapport annwali dwar it-trasparenza msemmi fl-Artikolu 22.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu sistemi jew modalitajiet alternattivi għall-ħatra u t-tneħħija tal-awditur, kemm-il darba dawk is-sistemi jew modalitajiet jiġu ddisinjati biex jiżguraw l-indipendenza tal-awditur mill-persuni li jimmaniġġjaw l-affarijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

9.   Il-membri kollha tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw, fl-assemblea ġenerali tal-membri. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu restrizzjonijiet fuq id-dritt tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li jipparteċipaw, u li jeżerċitaw id-dritt tal-vot, fl-assemblea ġenerali tal-membri, abbażi ta’ waħda minn dawn il-kriterji li ġejjin jew it-tnejn li huma:

(a)

perjodu tal-adeżjoni;

(b)

l-ammonti riċevuti minn membru jew dovuti lilu,

kemm-il darba tali kriterji jiġu determinati u applikat b’tali mod li jkun ġust u proporzjonat.

Il-kriterji stipulati fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiġu inklużi fl-istatut jew fit-termini ta’ adeżjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikoli 19 u 21.

10.   Kull membru ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollu d-dritt li jaħtar kwalunkwe persuna jew entità oħra bħala detentur ta’ prokura biex tipparteċipa, u tivvota, fl-assemblea ġenerali tal-membri f’ismu, kemm-il darba tali ħatra ma tirriżultax f’konflitt ta’ interess li jista’ jseħħ, pereżempju, fejn il-membru li jkun qed jagħmel il-ħatra u d-detentur ta’ prokura jkunu jappartienu għal kategoriji differenti ta’ detenturi tad-drittijiet fi ħdan l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal restrizzjonijiet li jikkonċernaw il-ħatra ta’ detenturi ta’ prokura u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot tal-membri li huma jirrappreżentaw jekk tali restrizzjonijiet ma jippreġudikawx il-parteċipazzjoni xierqa u effikaċi tal-membri fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

Kull prokura għandha tkun valida għal assemblea ġenerali tal-membri waħda biss. Id-detentur tal-prokura għandu jkollu l-istess drittijiet fl-assemblea ġenerali tal-membri bħal dawk li għalihom kien ikun intitolat il-membru li jagħmel il-ħatra. Id-detentur tal-prokura għandu jivvota skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-membru li jagħmel il-ħatra.

11.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li s-setgħat tal-assemblea ġenerali tal-membri jistgħu jiġu eżerċitati minn assemblea tad-delegati eletti tal-inqas kull erba’ snin mill-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, bil-kundizzjoni li:

(a)

tiġi żgurata parteċipazzjoni xierqa u effikaċi tal-membri fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv; kif ukoll

(b)

ir-rappreżentanza tal-kategoriji differenti ta’ membri fl-assemblea tad-delegati tkun ġusta u bbilanċjata.

Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10 għandhom japplikaw għall-assemblea tad-delegati mutatis mutandis.

12.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, minħabba l-forma ġuridika tagħha, ma għandhiex assemblea ġenerali tal-membri, is-setgħat ta’ dik l-assemblea għandhom jiġu eżerċitati mill-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja. Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 5, 7 u 8 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal tali korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

13.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ikollha membri li huma entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, jew is-setgħat kollha tal-assemblea ġenerali tal-membri jew uħud minnhom għandhom jiġu eżerċitati minn assemblea ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet. Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 10 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-assemblea tad-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 9

Funzjoni Superviżorja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha fis-seħħ funzjoni superviżorja għall-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet u t-twettiq tad-dmirijiet tal-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tal-organizzazzjoni.

2.   Għandu jkun hemm rappreżentanza ġusta u bbilanċjata tal-kategoriji differenti tal-membri tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fil-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja.

3.   Kull persuna li teżerċita l-funzjoni superviżorja għandha tagħmel dikjarazzjoni individwali annwali dwar kunflitti ta’ interess li jkun fiha l-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2), lil-laqgħa ġenerali tal-membri.

4.   Il-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja għandu jiltaqa’ b’mod regolari u għandu jkollu talanqas dawn il-poteri li ġejjin:

(a)

li jeżerċita s-setgħat delegati lilu mil-laqgħa ġenerali tal-membri, innkluż skont l-Artikolu 8(4) u (6);

(b)

li jimmonitorja l-attivitajiet u t-twettiq tad-dmirijiet tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10, inkluża l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-laqgħa ġenerali tal-membri u, b’mod partikolari, tal-politiki ġenerali elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 8(5).

5.   Il-korp li jeżerċita l-funzjoni superviżorja għandu jirraporta dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu lil-laqgħa ġenerali tal-membri mill-anqas darba fis-sena.

Artikolu 10

Obbligi tal-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex il-persuni li jimmaniġġjaw in-negozju tagħha jagħmlu dan b’mod prudenti, sod u adegwat, permezz ta’ proċeduri amministrattivi u ta’ kontabbiltà u mekkaniżmi ta’ kontroll intern tajba.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jimplimentaw u japplikaw proċeduri biex jevitaw kunflitti ta’ interess, u fejn tali kunflitti ma jkunux jistgħu jiġu evitati, jużaw proċeduri li jidentifikaw, jimmaniġġjaw, jimmonitorjaw jaw u jiżvelaw kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali b’tali mod li tevita milli taffettwa ħażin l-interessi kollettiv tad-detenturi tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjoni.

Il-proċeduri msemmijin fl-ewwel subparagrafu għandhom jinkludu dikjarazzjoni annwali individwali minn kull waħda mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 lil-laqgħa ġenerali tal-membri, li tkun tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe interess fl-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(b)

kwalunkwe remunerazzjoni fis-sena finanzjarja preċedenti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, inkluż fil-forma ta’ skemi ta’ pensjonijiet, benefiċċji materjali u tipi oħra ta’ benefiċċji;

(c)

kwalunkwe ammont li jasal fis-sena finanzjarja preċedenti bħala detentur tad-dritt mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(d)

dikjarazzjoni li tikkonċerna kwalunkwe kunflitt reali jew potenzjali bejn kwalunkwe interessi personali u dawk tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew bejn kwalunkwe obbligu dovut lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u kwalunkwe dmir dovut lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra.

KAPITOLU 2

Immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet

Artikolu 11

Ġbir u użu ta’ dħul mid-drittijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jikkonformaw mar-regoli stipulati fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom ikunu diliġenti fil-ġbir u l-immaniġġjar tad-dħul mid-drittijiet.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kolletiv għandha żżomm separat fil-kontijiet tagħha:

(a)

id-dħul mid-drittijiet u kwalunkwe introjtu li jirriżultamill-investiment tad-dħul mid-drittijiet; kif ukoll

(b)

kwalunkwe assi proprji u dħul derivat minn dawn l-assi, li jista’ jkollha, mit-tariffi tal-immaniġġjar jew minn attivitajiet oħra.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandhiex tkun tista’ tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dħul mid-drittijiet għal finijiet li jmorru lil hinn mit-tqassim lid-detenturi tad-dritt, ħlief f’każijiet fejn tista’ tnaqqas jew tpaċi t-tariffi tal-immaniġġjar tagħha b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-punt(d) tal-Artikolu 8(5) jew li tuża d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet b’konformità ma’ deċiżjoni meħuda bi qbil mal-Artikolu 8(5).

5.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tinvesti d-dħul mid-drittijiet jew kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, hija għandha tagħmel dan fl-aħjar interess tad-detenturi tad-dritt li tirrappreżenta d-drittijiet tagħhom, skont il-politika ġenerali dwar l-investiment ġenerali u l-immaniġġjar tar-riskju msemmija fil-punti (c) u (f) tal-Artikolu 8(5) u b’kunsiderazzjoni tar-regoli li ġejjin:

(a)

meta jkun hemm kwalunkwe kunflitt ta’ interess potenzjali, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għanda tiżgura li l-investiment isir biss fl-interess uniku ta’ dawk id-detenturi tad-drittijiet;

(b)

l-assi għandhom ikunu investiti sabiex jiżguraw is-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabbiltà tal-portafoll kollu;

(c)

l-assi għandhom ikunu diversifikati kif xieraq sabiex tkun evitata dipendenza eċċessiva fuq kwalunkwe assi partikolari u akkumulazzjoni ta’ riskji fil-portafoll kollu kemm hu.

Artikolu 12

Tnaqqis

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta detentur tad-dritt jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija mitluba tipprovdi lid-detentur tad-dritt b’informazzjoni dwar it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet u minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, qabel ma jinkiseb il-kunsens tiegħu għall-immaniġġjar tagħha tad-drittijiet tiegħu.

2.   It-tnaqqis għandu jkun raġonevoli skont is-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, inkluż, fejn xieraq, is-servizzi msemmija fil-paragrafu 4, u għandu jkun stabbilit abbażi ta’ kriterji oġġettivi.

3.   It-tariffi tal-immaniġġjar ma għandhomx jaqbżu l-ispejjeż ġustifikati u dokumentati tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fl-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti applikabbli għall-użu u t-trasparenza dwar l-użu tal-ammonti mnaqqsa jew paċuti fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar japplikaw għal kwalunkwe tnaqqis ieħor magħmul sabiex jiġu kopruti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati.

4.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tipprovdi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi ffinanzjati permezz ta’ tnaqqis mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti abbażi ta’ kriterji ġusti, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal dawk is-servizzi u l-estent tagħhom.

Artikolu 13

Tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 15(3) u 28, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet b’mod regolari, diliġenti u akkurat skont il-politika ġenerali dwar it-tqassim imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 8(5).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jew il-membri tagħhom li huma entitajiet li jirrappreżentaw id-detenturi tad-drittijiet iqassmu u jħallsu dawk l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet malajr kemm jistà jkun iżda mhux aktar minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li tulha nġabar id-dħul mid-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari għar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, tad-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, fejn applikabbli, lill-membri tagħha milli jissodisfaw dik l-iskadenza.

2.   Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, fl-iskadenza ffissata fil-paragrafu 1 peress li d-detenturi tad-drittijiet rilevanti ma jistgħux jiġu identifikati jew jinstabu u li għalihom ma tapplikax l-eċċezzjoni għal dik l-iskadenza, dawk l-ammonti għandhom jinżammu separati fil-kontijiet tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji, b’konformità mal-paragrafu 1, biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet. B’mod partikolari, sa mhux aktar minn tliet xhur mit-tmiem tal-iskadenza ffissata fil-paragrafu 1, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel disponibbli informazzjoni dwar ix-xogħolijiet u materjal tematiku ieħor li għalihom detentur tad-dritt wieħed jew aktar ma jkunux ġew identifikati jew misjuba lil:

(a)

id-detenturi tad-drittijiet li tirrappreżenta;

(b)

l-entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, fejn tali entitajiet huma membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv; u

(c)

l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv kollha li magħhom tkun ikkonkludiet ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni,.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi, fejn disponibbli, dan li ġej:

(a)

it-titolu tax-xogħol jew ta’ kwalunkwe materjal tematiku ieħor,

(b)

l-isem tad-detentur tad-dritt,

(c)

l-isem tal-pubblikatur jew produttur rilevanti, u

(d)

kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra disponibbli li tista’ tgħin fl-identifikazzjoni tad-detentur tad-dritt.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tivverifika ukoll ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 6(5) u kwalunkwe rekord ieħor disponibbli faċilment. Jekk il-miżuri msemmija hawn fuq jonqsu milli jagħtu riżultati, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku sa mill-anqas sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tliet xhur.

4.   Fejn l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet ma jkunux jistgħu jitqassmu, wara tliet snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja fejn ikun sar il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet, u sakemm l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun ħadet il-miżuri neċessarji kollha biex tidentifika u tillokalizza d-detenturi tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 3, dawk l-ammonti għandhom jitqiesu bħala li ma jistgħux jitqassmu..

5.   Il-laqgħa ġenerali tal-membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tiddeċiedi dwar l-użu ta’ ammonti mhux utilizzabbli skont il-punt (b) tal-Artikolu 8(5), mingħajr preġudizzju għad-dritt tad-detenturi tad-drittijiet li jitlobu dawn l-ammonti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv skont il-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-istatut tal-limitazzjonijiet tat-talbiet.

6.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-użi permessi ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu inter-alia billi jkun żgurat li tali ammonti jintużaw b’mod separat u indipendenti sabiex jiġu ffinanzjati attivitajiet soċjali, kulturali u edukattivi għall-benefiċċju tad-detenturi tad-drittijiet.

KAPITOLU 3

L-immaniġġjar tad-drittijiet f’isem organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra

Artikolu 14

Drittijiet immaniġġjati skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma tiddiskriminax kontra kwalunkwe detentur tad-drittijiet li timmaniġġja d-drittijiet tiegħu skont ftehim ta’ rappreżentanza, b’mod partikolari fir-rigward tat-tariffi applikabbli, it-tariffi tal-immaniġġjar, u l-kundizzjonijiet għall-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

Artikolu 15

Tnaqqis u pagamenti fil-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma għandha tapplika l-ebda tnaqqis, ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, mid-dħul mid-drittijiet derivat mid-drittijiet li timmaniġġja abbażi ta’ ftehim ta’ rappreżentazzjoni, jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dak id-dħul mid-drittijiet, sakemm l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li hi parti għall-ftehim ta’ rappreżentazzjoni tagħti kunsens ċar għal dan it-tnaqqis.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tqassam u tħallas l-ammonti dovuti lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħrajn b’mod regolari, diliġenti u akkurat lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tagħmel dan it-tqassim u l-ħlasijiet malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn disa’ xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha kien miġbur id-dħul mid-drittijiet, sakemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari mar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, id-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħlijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet, jipprevjenu lis-soċjetà kollettriċi milli tissodisfa l-iskadenza.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv l-oħra, jew, meta jkollha bħala membri tagħha entitajiet li jirrappreżentaw lid-detenturi tad-drittijiet, dawk il-membri, għandhom iqassmu u jħallsu lid-detenturi tad-drittijiet l-ammonti dovuti lilhom malajr kemm jistà jkun iżda mhux aktar tard minn sitt xhur minn meta dawk l-ammonti ġew riċevuti, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati b’mod partikolari għar-rappurtar mill-utenti, l-identifikar tad-drittijiet, tad-detenturi tad-drittijiet jew it-tqabbil ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet u materjal tematiku ieħor mad-detenturi tad-drittijiet li jipprevjenu l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv jew, fejn applikabbli lill-membri tagħha milli jissodisfaw dik l-iskadenza.

KAPITOLU 4

Relazzjonijiet mal-utenti

Artikolu 16

Ħruġ ta’ liċenzji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.   It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Meta organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu liċenzji, mhumiex meħtieġa jużaw, bħala preċedent għal servizzi onlajn oħra, termini għall-ħruġ tal-liċenzji mifthiema ma’ utent, fejn l-utent jipprovdi tip ġdid ta’ servizz onlajn li kien disponibbli għalll-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin.

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.

3.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jirrispondu mingħajr dewmien għat-talbiet mill-utenti, billi jindikaw inter alia l-informazzjoni meħtieġa biex l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun tista’ toffri liċenzja.

Hekk kif tirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġġjar kollettiv għandhom mingħajr dewmien żejjed, jew toffri liċenzja jew inkella tipprovdi lill-utent b’dikjarazzjoni motivata li tispjega għalfejn mhijiex beħsiebha toħroġ liċenzja għal servizz partikolari.

4.   Organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippermetti lill-utenti biex jikkomunikaw magħha permezz ta’ mezzi elettroniċi, inkluż fejn xieraq, għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-użu tal-liċenzja.

Artikolu 17

Obbligi tal-utenti

L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet li jipprovdu lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, fi żmien miftiehem jew stabbilit minn qabel, u f’format miftiehem jew stabbilit minn qabel, b’tali informazzjoni rilevanti kollha disponibbli għalihom dwar l-użu tad-drittijiet rappreżentati mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li hija meħtieġa għall-ġbir tad-dħul tad-drittijiet u għat-tqassim u l-ħlas tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet. Fid-deċiżjoni dwar il-format għall-provviżjoni ta’ tali informazzjoni, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jikkunsidraw, sa fejn ikun possibbli, standards industrijali volontarji.

KAPITOLU 5

Trasparenza u rappurtar

Artikolu 18

Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikoli 19 u 28(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tqiegħed għad-dispożizzjoni mhux anqas minn darba f’sena lil kull wieħed mid-detenturi tad-drittijiet li lilu tkun attribwiet d-dħul mid-drittijiet jew tkun għamlet pagamenti, matul il-perjodu li għalih tirreferi l-informazzjoni, tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

kwalunkwe dettall ta’ kuntatt li d-detentur tad-drittijiet ikun awtorizza li tintuża mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv,biex jiġi identifikat u lokalizzat id-detentur tad-drittijiet;

(b)

id-dħul mid-drittijiet attribwit lid-detentur tad-drittijiet;

(c)

l-ammonti mħallsa mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detentur tad-drittijiet skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u skont it-tip ta’ użu;

(d)

il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom kienu allokati u mħallsal-ammonti lid-detentur tad-drittijiet, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi relatati mar-rappurtar mill-utenti ma jipprevjenux l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv milli tipprovdi din l-informazzjoni;

(e)

it-tnaqqis li sar fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar;

(f)

it-tnaqqis li sar għal kwalunkwe skop ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, inklużi dawk li jistgħu jkunu rikjesti mil-liġi nazzjonali għall-provvediment ta’ kwalunkwe servizz soċjali, kulturali u edukattiv;

(g)

kwalunkwe dħul mid-drittijiet attribwit lid-detentur tad-drittijiet li huwa pendenti għal kwalunkwe perjodu.

2.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tattribwixxi dħul mid-drittijiet u jkollha bħala membri entitajiet li huma responsabbli għat-tqassim ta’ dħul mid-drittijiet lid-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tipprovdi l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1 lil dawk l-entitajiet, sakemm huma ma jkollhomx f’idejhom dik l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet jagħmlu disponibbli tal-anqas l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 1, mhux anqas minn darba fis-sena, lil kull detentur tad-dritt li lilu jkunu attribwew dħul mid-drittijiet jew għamlu pagamenti fil-perjodu relatat mal-informazzjoni.

Artikolu 19

Informazzjoni pprovduta lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tagħmel disponibbli talanqas l-informazzjoni li ġejja, mhux inqas minn darba kull sena u permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jimmaniġġjaw id-drittijiet f’isimha skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, għall-perjodu li għalih tirrelata l-informazzjoni:

(a)

id-dħul mid-drittijiet attribwiti, l-ammonti mħallsa mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv skont il-kategorija li timmaniġġja, u skont it-tip ta’ użu, għad-drittijiet li timmaniġġja skont il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni, u kwalunkwe dħul mid-drittijiet attribwiti li huma żejda għal kwalunkwe perjodu;

(b)

it-tnaqqis li sar fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar;

(c)

it-tnaqqis li sar għal kwalunkwe raġuni ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar kif imsemmija fl-Artikolu 15;

(d)

informazzjoni dwar kull liċenzja mogħtija jew rifjutata fir-rigward ta’ xogħlijiet u materjal tematiku ieħor koperti mill-ftehim ta’ rappreżentazzjoni;

(e)

riżoluzzjonijietadottati mil-laqgħa ġenerali tal-membri sakemm dawk ir-riżoluzzjonijiet jkunu rilevanti għall-immaniġġjar tad-drittijiet skont il-ftehim ta’ rappreżentazzjoni.

Artikolu 20

Informazzjoni pprovduta lid-detenturi tad-drittijiet, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u utenti, fuq talba

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, b’risposta għal talba debitament ġustifikata, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħmel disponibbli mill-anqas l-informazzjoni li ġejja b’mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien żejjed lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li timmaniġġja f’isimha d-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni jew lil kwalunkwe detentur tad-drittijiet jew għal kwalunkwe utent:

(a)

ix-xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor li tirrappreżenta, id-drittijiet li timmaniġġja, direttament jew skont ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni, u t-territorji koperti; jew

(b)

fejn, minħabba l-ambitu tal-attività tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, tali xogħlijiet jew materjal tematiku ieħor ma jistgħux jiġu determinati, it-tipi ta’ xogħlijiet jew ta’ materjal tematiku ieħor li tirrappreżenta, id-drittijiet li timmaniġġja u t-territorji koperti.

Artikolu 21

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tagħmel disponibbli mill-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istatut tagħha;

(b)

it-termini ta’ adeżjoni tagħha u t-termini ta’ terminazzjoni tal-awtorizzazzjoni għall-immaniġġjar tad-drittijiet, jekk dawn ma jkunux inklużi fl-istatut;

(c)

il-kuntratti ta’ ħruġ ta’ liċenzji standard u t-tariffi applikabbli standard inkluż it-tnaqqis,

(d)

il-lista tal-persuni msemmija fl-Artikolu 10;

(e)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet;

(f)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tariffi tal-immaniġġjar;

(g)

il-politika ġenerali tagħha dwar it-tnaqqis, ħlief fir-rigward tat-tariffi tal-immaniġġjar, mid-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet, inkluż it-tnaqqis għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(h)

lista tal-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni li hi parti minngom, u l-ismijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġjar kollettivi li magħhom kienu konklużi dawk il-ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni;

(i)

il-politika ġenerali dwar l-użu ta’ ammonti li ma jistgħux jitqassmu;

(j)

il-proċeduri ta’ trattament tal-ilmenti u ta’ riżolviment ta’ tilwim disponibbli skont l-Artikoli 33, 345 u 35.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippubblika u żżomm aġġornata fuq il-websajt tagħha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 22

Rapport annwali dwar it-trasparenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, irrispettivament mill-forma ġuridika skont il-liġi nazzjonali, tfassal u tagħmel disponibbli għall-pubbliku, rapport annwali dwar it-trasparenza, inkluż ir-rapport speċjali msemmi fil-paragrafu 3, għal kull sena finanzjarja, sa mhux aktar tard minn tmin xhur wara t-tmiem ta’ dik is-sena finanzjarja.

L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tippubblika fuq il-websajt tagħha r-rapport annwali dwar it-trasparenza, li għandu jibqa’ disponibbli għall-pubbliku fuq dik il-websajt għal talanqas ħames snin.

2.   Ir-rapport annwali dwar it-trasparenza għandu talanqas jinkludi l-informazzjoni stipulata fl-Anness.

3.   Ir-rapport speċjali għandu jindirizza l-użu tal-ammonti mnaqqsa għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi u għandu jinkludi talanqas l-informazzjoni stabbilita fil-punt 3 tal-Anness..

4.   L-informazzjoni dwar il-kontabbiltà nkluża fir-rapport annwali dwar it-trasparenza, għandha tiġi awditjata minn persuna waħda jew aktar li tkun mogħtija s-setgħa mil-liġi biex tagħmel awditu tal-kontijiet skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

Ir-rapport tal-awditu, inkluża kwalunkwe kwalifika għal dan, għandhom jiġu riprodotti b’mod sħiħ fir-rapport annwali dwar it-trasparenza.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-informazzjoni dwar il-kontabbiltà, għandha tinkludi d-dikjarazzjonijiet finanzjarji msemmija fil-punt 1(a) tal-Anness u kwalunkwe informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punti (g) u (h) tal-punt 1 u fil-punt 2 tal-Anness.

TITOLU III

ĦRUĠ TA’ LIĊENZJI MULTITERRITORJALI TA’ DRITTIJIET ONLAJN F’XOGĦLIJIET MUŻIKALI MILL-ORGANIZZAZZJONIJIET TA’ MMANIĠĠJAR KOLLETTIV

Artikolu 23

Ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fis-suq intern

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li stabbiliti fit-territorju tagħhom, jikkonformaw mar-rekwiżiti f’dan it-Titolu meta joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 24

Kapaċità li jiġu pproċessati liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jkollha l-kapaċità suffiċjenti biex tipproċessa elettronikament b’mod effiċjenti u trasparenti, id-dejta meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dawn il-liċenzji, inkluż għall-finijiet tal-identifikazzjoni tar-repertorju u l-monitoraġġ tal-użu, il-fatturazzjoni tal-utenti, il-ġbir tad-dħul mid-drittijiet u t-tqassim tal-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv talanqas għandha tikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

li jkollha l-kapaċità li tidentifika b’mod preċiż, tidentifika b’mod sħiħ jew parzjali, ix-xogħlijiet mużikali li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi awtorizzata li tirrappreżenta;

(b)

li jkollha l-kapaċità li tidentifika b’mod preċiż, u b’mod sħiħ jew parzjali, fir-rigward ta’ kull territorju rilevanti, id-drittijiet u d-detenturi tad-drittijiet korrispondenti għal kull xogħol mużikali jew tiskambja ma’ dan li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hija awtorizzata li tirrappreżenta;

(c)

li tagħmel użu ta’ identifikaturi uniċi biex jiġu identifikati detenturi tad-drittijiet u x-xogħlijiet mużikali, b’kunsiderazzjoni, sa fejn ikun possibbli, għall-istandards u l-prattiki industrijali volontarji li ġew żviluppati fuq il-livell internazzjonali jew tal-Unjoni;

(d)

li tagħmel użu ta’ mezzi adegwati biex tidentifika u tirriżolvi fil-ħin u b’mod effettiv inkonsistenzi fid-dejta miżmuma minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li joħorġu liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali.

Artikolu 25

Trasparenza ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, tipprovdi lill-fornituri tas-servizzi tal-mużika onlajn, lid-detenturi tad-drittijiet li tirrappreżenta d-drittijiet tagħhom u lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn, permezz ta’ mezzi elettroniċi, b’risposta għal talba debitament ġustifikata, informazzjoni aġġornata li tippermetti l-identifikazzjoni tar-repertorju ta’ mużika onlajn li tirrappreżenta. Din għandha tinkludi:

(a)

x-xogħlijiet mużikali rappreżentati;

(b)

id-drittijiet rappreżentati b’mod sħiħ jew parzjali; u

(c)

it-territorji koperti

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tieħu miżuri raġonevoli, fejn neċessarju, biex tħares il-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta, biex tikkontrolla l-użu mill-ġdid tagħha u biex tħares id-dejta personali u l-informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 26

Preċiżjoni ta’ informazzjoni ta’ repertorju multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jkollha fis-seħħ arranġamenti li tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet, lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u lil fornituri ta’ servizzi onlajn li jitolbu korrezzjoni tad-dejta msemmija fil-lista ta’ kondizzjonijiet taħt l-Artikolu 24(2) jew l-informazzjoni pprovduta skont l-Artikolu 25, fejn dawn id-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-fornituri ta’ servizzi onlajn, abbażi ta’ evidenza raġonevoli, jemmnu li d-dejta jew l-informazzjoni ma jkunux preċiżi fir-rigward tad-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali. Meta l-pretensjonijiet ikunu sostanzjati biżżejjed, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tiżgura li d-dejta jew l-informazzjoni jiġu korretti mingħajr dewmien żejjed.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tipprovdi lid-detenturi tad-drittijiet li x-xogħlijiet tagħhom huma inklużi fir-repertorju mużikali tagħha u lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu afdaw l-immaniġġjar tad-drittijiet onlajn tax-xogħolijiet mużikali tagħhom bi qbil mal-Artikolu 31, b’mezzi għas-sottomissjoni lilha, f’forma elettronika li tikkonċerna informazzjoni li tikkonċerna x-xogħlijiet mużikali jew id-drittijiet tagħhom f’dawk ix-xogħlijiet u t-territorji li fir-rigward tagħhom id-detenturi tad-drittijiet jawtorizzaw l-organizzazzjoni. Meta tagħmel dan, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv u d-detenturi tad-drittijiet għandhom sa fejn ikun possibbli jqisu, l-istandards jew il-prattiki volontarji tal-industrija fir-rigward tal-iskambju tad-dejta li ġie żviluppat fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni, u għandha tippermetti lid-detenturi tad-drittijiet jispeċifikaw ix-xogħol mużikali, b’mod sħiħ jew parzjali, id-drittijiet onlajn, b’mod sħiħ jew parzjali, u t-territorji, li fir-rigward tagħhom jawtorizzaw l-organizzazzjoni.

3.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra li tagħti liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn tax-xogħolijiet mużikali skont l-Artikoli 29 u 30, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha ukoll tapplika l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tad-detenturi tad-drittijiet li tagħhom ix-xogħolijiet mużikali jiġu inklużi fir-repertorju tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, sakemm l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jilħqux ftehim differenti.

Artikolu 27

Rappurtar u fatturazzjoni b’mod preċiż u fil-ħin

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmonitorja l-użu ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali li jirrappreżentaw, b’mod sħiħ jew parzjali, minn fornituri tas-servizzi ta’ mużika onlajn li ħarġitilhom liċenzja multiterritorjali għal dawk id-drittijiet.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri lill-fornituri tas-servizzi ta’ mużika onlajn, il-possibbiltà li jirrappurtaw b’mezzi elettroniċi l-użu reali ta’ drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali u l-fornituri tas-servizzi onlajn għandhom jirrapportaw b’mod preċiż l-użu reali ta’ dawk ix-xogħolijiet. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri l-użu talanqas ta’ metodu wieħed ta’ rappurtar li jkun iqis l-istandards u l-prattiki volontarji tal-industrija li ġew żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni għall-iskambju elettroniku ta’ din id-dejta. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tista’ tirrifjuta li taċċetta r-rappurtar mill-fornitur ta’ servizz onlajn f’format proprjetarju, jekk l-organizzazzjoni tippermetti r-rappurtar permezz ta’ standard tal-industrija għall-iskambju elettroniku ta’ dejta.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toħroġ fattura lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn permezz ta’ mezz elettroniku. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toffri l-użu ta’ mill-anqas format wieħed li jkun iqis l-istandards jew il-prattiki volontarji tal-industrija żviluppati fil-livell internazzjonali jew tal-Unjoni. Il-fattura għandha tidentifika x-xogħlijiet u d-drittijiet li huma liċenzjati, b’mod sħiħ jew parzjali, abbażi tad-dejta msemmija fil-lista tal-kondizzjonijiet taħt l-Artikolu 24(2), u l-użi reali korrispondenti, sa fejn dan ikun possibbli abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-fornitur ta’ servizz onlajn u l-format użat biex tingħata dik l-informazzjoni. Il-fornitur ta’ servizz onlajn ma jistax jirrifjuta li jaċċetta fattura minħabba l-format tagħha jekk l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun qed tuża format standard industrijali.

4.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha toħroġ fattura b’mod preċiż u mingħajr dewmien lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu reali tax-xogħol mużikali, ħlief meta dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet attribwibbli lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn.

5.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandu jkollha fis-seħħ arranġamenti adegwati li jippermettu lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn li jikkontesta l-korrettezza tal-fattura, inkluż meta l-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn jirċievi fatturi minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kolletiv, jew aktar minn waħda, għall-istess drittijiet onlajn fl-istess xogħol mużikali.

Artikolu 28

Ħlasijiet preċiżi u fil-ħin lid-detenturi tad-drittijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, tqassam b’mod preċiż u mingħajr dewmien l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet li jkunu akkumulaw minn dawn il-liċenzji, wara li jkun ġie rrappurtat l-użu effettiv tax-xogħol, ħlief meta dan ma jkunx possibbli minħabba raġunijiet attribwibbli lill-fornitur tas-servizz ta’ mużika onlajn.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha talanqas tipprovdi l-informazzjoni li ġejja lid-detenturi tad-drittijiet flimkien ma’ kull pagament li tagħmel skont il-paragrafu 1:

(a)

il-perjodu li matulu saru l-użi li għalihom huma dovuti l-ammonti lid-detenturi tad-drittijiet u t-territorji li fihom saru l-użi;

(b)

l-ammonti miġbura, it-tnaqqis magħmul u l-ammonti mqassma mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għal kull xogħol u dritt fi kwalunkwe xogħol mużikali li d-detenturi tad-drittijiet jkunu awtorizzaw lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex, b’mod sħiħ jew parzjali, tirrappreżentahom;

(c)

l-ammonti miġbura għad-detenturi tad-drittijiet, it-tnaqqis li sar u l-ammonti mqassma mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv fir-rigward ta’ kull fornitur ta’ servizz onlajn.

3.   Meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġjar kollettiv, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali skont l-Artikoli 29 u 30, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tqassam l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 b’mod preċiż u mingħajr dewmien u għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tagħti l-awtorizzazzjoni. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għandha tkun responsabbli għat-tqassim sussegwenti ta’ dawn l-ammonti u għandha tipprovdi din l-informazzjoni lid-detenturi tad-drittijiet sakemm l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv ma jilħqux ftehim mod ieħor.

Artikolu 29

Ftehimiet bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għal ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ftehim ta’ rappreżentazzjoni bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li bih organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tawtorizza lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju ta’ mużika tagħha, ikun ta’ natura mhux esklussiva. L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha timmaniġġja dawk id-drittijiet onlajn fuq termini mhux diskriminatorji.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tagħti l-awtorizzazzjoni għandha tinforma lill-membri tagħha dwar it-termini ewlenin tal-ftehim, inkluż it-tul tal-ftehim u l-ispejjeż tas-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata.

3.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv awtorizzata għandha tinforma lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tagħti l-awtorizzazzjoni dwar it-termini ewlenin li fuqhom se jiġu liċenzjati d-drittijiet onlajn tagħha, inkluż in-natura tal-isfruttament, id-dispożizzjonijiet kollha li huma relatati mat-tariffa tal-liċenzja jew li jaffettwawha, il-perjodu ta’ żmien tal-liċenzja, il-perjodi ta’ żmien tal-kontabbiltà u t-territorji koperti.

Artikolu 30

Obbligu ta’ rappreżentazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li ma toħroġx jew ma li toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali fir-repertorju mużikali tagħha, titlob lil organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv sabiex tidħol fi ftehim ta’ rappreżentazzjoni biex tirrappreżenta dawk id-drittijiet, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi obbligata tilqa’ din it-talba jekk diġà tkun qed tagħti jew toffri li tagħti liċenzji multiterritorjali għall-istess kategorija ta’ drittijiet onlajn f’xogħolijiet mużikali fir-repertorju ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv waħda jew aktar.

2.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha twieġeb lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tressaq it-talba bil-miktub u mingħajr dewmien.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha timmaniġġja r-repertorju rappreżentat tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li hija tapplika għall-immainġġjar tar-repertorju tagħha stess.

4.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba t-talba għandha tinkludi r-repertorju rappreżentat tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li qed tressaq it-talba fl-offerti kollha li tindirizza lill-fornituri ta’ servizzi onlajn.

5.   It-tariffa tal-immaniġġjar għas-servizz ipprovdut mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba lill-organizzazzjoni li qed tressaq it-talba, ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż li raġonevolment iġġarrab l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv miltuba.

6.   L-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tad-drittijiet li tressaq it-talba għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba l-informazzjoni dwar ir-repertorju ta’ mużika tagħha meħtieġa għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali. Meta l-informazzjoni tkun insuffiċjenti jew tingħata f’forma li ma tippermettix lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba tilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan it-Titolu, l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv mitluba għandha tkun intitolata li tiċċarġja għall-ispejjeż raġonevoli mġarrba biex tilħaq dawn ir-rekwiżiti jew li teskludi dawn ix-xogħlijiet li għalihom l-informazzjoni hija insuffiċjenti jew ma tistax tintuża.

Artikolu 31

Aċċess għall-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv ma toħroġx jew ma toffrix li toħroġ liċenzji multiterritorjali għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali jew ma tippermettix lil organizzazzjoni oħra ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta dawk id-drittijiet għal dan l-iskop sal-10 ta’ April 2017, id-detenturi tad-drittijiet li awtorizzaw lil dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrappreżenta d-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali, jistgħu jirtiraw minn dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv id-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fir-rigward tat-territorji kollha mingħajr ma jkunu obbligati li jirtiraw id-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali għall-finijiet ta’ ħruġ ta’ liċenzji monoterritorjali, b’mod li jkunu jistgħu jagħtu liċenzji multiterritorjali għad-drittijiet onlajn tagħhom f’xogħlijiet mużikali, huma nnifishom jew permezz ta’ xi parti oħra li huma jawtorizzaw jew permezz ta’ xi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

Artikolu 32

Deroga għal drittijiet ta’ mużika onlajn meħtieġa għal programmi tar-radju u tat-televiżjoni

It-Titolu III ma għandux japplika għall-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv meta jagħtu, abbażi tal-aggregazzjoni volontarja tad-drittijiet meħtieġa, f’konformità mar-regoli tad-dritt dwar il-kompetizzjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, liċenzja multiterritorjali għad-drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali meħtieġa minn xandar biex jikkomunika jew jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-programmi tar-radju jew televiżivi tiegħu simultanjament max-xandira inizjali tagħhom jew warajha, kif ukoll kwalunkwe materjal ieħor onlajn, inkluż wiri b’mod antiċipat, prodott mix-xandar jew għalih.

TITOLU IV

MIŻURI TA’ INFURZAR

Artikolu 33

Proċeduri ta’ lmenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jagħmlu disponibbli għall-membri, u lill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li f’isimhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni, proċeduri biex jittrattaw l-ilmenti u biex isolvu t-tilwim b’mod effettiv u fil-ħin, partikolarment fir-rigward tal-awtorizzazzjoni biex jimmaniġġjaw id-drittiijiet, u t-terminazzjoni jew l-irtirar tad-drittijiet, it-termini ta’ adeżjoni, il-ġbir ta’ ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, it-tnaqqis u t-tqassim.

2.   L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jirrispondu bil-miktub l-ilmenti mressqa mill-membri jew mill-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li f’isimhom jimmaniġġjaw id-drittijiet skont ftehim ta’ rappreżentazzjoni. Meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tirrifjuta ilment, għandha tagħti r-raġunijiet.

Artikolu 34

Proċeduri alternattivi għar-riżolviment ta’ tilwim

1.   L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, membri tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, detenturi tad-drittijiet jew utenti fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għandhom jitressqu għal proċedura alternattiva għar- riżolviment ta’ tilwim li tkun rapida, indipendenti u imparzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw għall-finijiet tat-Titolu III, li t-tilwim li ġej relatat mal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fit-territorju tagħhom li toħroġ jew toffri li toħroġ liċenzji multiterritorjai għal drittijiet onlajn f’xogħlijiet mużikali, jistgħu jiġu sottomessi lil korpi indipendenti u imparzjali għal riżolviment ta’ tilwim:

(a)

tilwim ma’ fornitur tas-servizzi ta’ mużika onlajn reali u potenzjali dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 16, 25, 26 u 27;

(b)

tilwim ma’ detentur tad-drittijiet wieħed jew aktar dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 25, 26, 27, 28, 29, 30 u 31;

(c)

tilwim ma’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 25, 26, 27, 28, 29, u 30.

Artikolu 35

Riżolvimentta’ tilwim

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilwim bejn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti fir-rigward, b’mod partikolari, kundizzjonijiet attwali u proposti ta’ ħruġ ta’ liċenzji jew ksur ta’ kuntratt, ikunu jistgħu jitressqu quddiem il-qorti, jew jekk xieraq, lil korp ta’ riżolviment ieħor li jkun indipendenti u imparzjali, meta dak il-korp ikollu l-għarfien espert fid-dritt dwar il-proprjetà intelletwali.

2.   L-Artikoli 33 u 34 u l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f’qorti.

Artikolu 36

Konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva min-naħa tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tagħhom tiġi mmonitorjata mill-awtoritajiet kompetenti magħżula għal dak l-iskop.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu proċeduri biex membri ta’ organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, id-detenturi tad-drittijiet, l-utenti, organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u partijiet interessati oħra jkunu jistgħu jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dan il-għan, dwar attivitajiet jew ċirkostanzi fejn, fl-opinjoni tagħhom, jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati skont ir-rekwiżiti stipulati minn din id-Direttiva.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nominati għal dan il-għan ikollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet adegwati jew li jieħdu miżuri adegwati meta d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jkunux konformi magħha. Dawk is-sanzjonijiet u miżuri għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan l-Artikolu u fl-Artikoli 37 u 38 sal-10 ta’ April 2016. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni li tkun irċeviet f’dak ir-rigward.

Artikolu 37

L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar

1.   Sabiex tiffaċilità l-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, kull Stat Membru għandu jiżgura li talba għall-informazzjoni riċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, nominata għal dak il-għan, rigward kwistjonijiet rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru li jirċievi t-talba, tingħatalha tweġiba mingħajr dewmien żejjed mill-awtorità kompetenti nominata għal dak il-għan, sakemm din it-talba tkun debitament ġustifikata.

2.   Meta awtorità kompetenti tqis illi organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbilita fi Stat Membru ieħor iżda li taġixxi fit-territorju tal-awtorità, tista’ ma tkunx qed tosserva d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih dik l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv hi stabbilita liema dispożizzjonijiet ikunu ġew adottati skont id-dispożizzjonijiet stipulati f’din id-Direttiva, tista’ tittrasmetti l-informazzjoni rilevanti kollha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih hi stabbilta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, akkumpanjata fejn xieraq minn talba lil dik l-awtorità li tieħu azzjoni xierqa skont il-kompetenzi tagħha. L-awtorità kompetenti li tirċievi t-talba għandha tagħti tweġiba motivata fi żmien tliet xhur.

3.   Il-kwistjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jiġu riferuti wkoll mill-awtorità kompetenti li tkun qed tagħmel din it-talba lill-grupp ta’ esperti stabbilit skont l-Artikolu 41.

Artikolu 38

Kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tippromwovi skambju regolari ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dan il-għan fl-Istati Membri u bejn dawk l-awtoritajiet u l-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali.

2.   Il-Kummissjoni għandha tmexxi konsultazzjonijiet regolari mar-rappreżentanti tad-detenturi tad-drittijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, l-utenti, il-konsumaturi u partijiet interessati oħra dwar l-esperjenza tagħhom bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, bl-informazzjoni kollha rilevanti li toħroġ minn dawk il-konsultazzjonijiet, fil-qafas tal-iskambju tal-informazzjoni provdut fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-10 ta’ Ottubru 2017, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprovdu lill-Kummissjoni, b’rapport dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali fit-territorju tagħhom. Ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-disponibbiltà ta’ liċenzji multiterritorjali fl-Istat Membru konċernat u dwar il-konformità tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ valutazzjoni tal-iżvilupp tal-ħruġ ta’ liċenżji multiterritorjali ta’ drittijiet onlajn f’xogħolijiet mużikali minn utenti, konsumaturi, detenturi tad-drittijiet u partijiet interessati oħra.

4.   Abbażi tar-rapporti li jkunu wasslu skont il-paragrafu 3 u l-informazzjoni miġbura skont il-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni tat-Titolu III ta’ din id-Direttiva. Jekk meħtieġ, u fejn xieraq abbażi ta’ rapport speċifiku, hija għandha tikkunsidra passi ulterjuri biex ikunu indirizzati kwalunkwe tip ta’ problemi identifikati. B’mod partikulari, dik il-valutazzjoni għandha tkopri dan li ġej:

(a)

l-għadd ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Titolu III;

(b)

l-applikazzjoni tal-Artikoli 29 u 30, inkluż l-għadd ta’ ftehimiet ta’ rappreżentazzjoni konklużi minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv skont dawk l-Artikoli;

(c)

il-proporzjon mir-repertorju fl-Istati Membri li huwa disponibbli għall-ħruġ ta’ liċenzji fuq bażi multiterritorjali.

TITOLU V

RAPPURTAR U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 39

Notifika ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv

Sal-10 ta’ April 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, abbażi tal-informazzjoni li tinsab għad-dispożizzjoni tagħhom lista ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti fit-territorji tagħhom.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe tibdil f’dik il-lista.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika dik l-informazzjoni u żżommha aġġornata.

Artikolu 40

Rapport

Sal-10 ta’ April 2021, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali, fuq id-diversità kulturali, fuq ir-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti u l-operat tal-Unjoni ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv stabbiliti barra mill-Unjoni u jekk ikun meħtieġ, dwar il-bżonn ta’ reviżjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq.

Article 41

Grupp ta’ esperti

Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ esperti. Dan għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Il-grupp ta’ esperti għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva tal-president jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru. Il-kompiti tal-kumitat għandhom ikunu kif ġej:

(a)

li jeżamina l-impatt tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva dwar il-funzjonament ta’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u ta’ entitajiet ta’ mmaniġġjar indipendenti fis-suq intern u biex jiġu enfasizzati kwalunkwe tip ta’ diffikultajiet;

(b)

li jorganizza konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(c)

li jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-iżviluppi rilevanti fil-leġiżlazzjoni u fil-każistika, kif ukoll l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali, kulturali u teknoloġiċi rilevanti speċjalment fir-rigward tas-suq diġitali fix-xogħolijiet u materjal tematiku ieħor.

Artikolu 42

Protezzjoni tad-dejta personali

L-ipproċessar tad-dejta personali li jsir fil-qafas ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 43

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-10 ta’ April 2016. Huma għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 45

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Frar 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 104.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Frar 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2014.

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta’ Mejju 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi (ĠU L 276, 21.10.2005, p. 54).

(4)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(5)  Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(8)  Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(9)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).


ANNESS

1.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza msemmi fl-Artikolu 22(2) għandha tinkludi:

(a)

dikjarazzjonijiet finanzjarji li jinkludu karta ta’ bilanċ jew dikjarazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet, kont tad-dħul u n-nefqa għas-sena finanzjarja u dikjarazzjoni tal-fluss tal-flus;

(b)

rapport dwar l-attivitajiet fis-sena finanzjarja;

(c)

informazzjoni dwar ir-rifjut għall-ħruġ ta’ liċenzja skont l-Artikolu 16(3);

(d)

deskrizzjoni tal-istruttura ġuridika u ta’ governanza tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(e)

informazzjoni dwar kwalunkwe entità direttament jew indirettament ta’ proprjetà jew taħt il-kontroll, b’mod sħiħ jew parzjali tal-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv;

(f)

informazzjoni dwar l-ammont totali ta’ remunerazzjoni mħallsa lill-persuni msemmija fl-Artikoli 9(3) u 10 fis-sena preċedenti, u dwar benefiċċji oħra li ngħatawlhom;

(g)

l-informazzjoni finanzjarja msemmija fil-punt 2 ta’ dan l-Anness;

(h)

rapport speċjali dwar l-użu ta’ kwalunkwe ammont imnaqqas għall-finijiet tas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi, li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-punt 3 ta’ dan l-Anness.

2.

Informazzjoni finanzjarja li għandha tkun ipprovduta fir-rapport annwali dwar it-trasparenza:

(a)

informazzjoni finanzjarja dwar id-dħul mid-drittijiet, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu (eż. xandir, onlajn, wiri pubblika) inkluż l-informazzjoni dwar l-introjtu li jirriżulta mill-investiment ta’ dħul mid-drittijiet u l-użu ta’ dan id-dħul (kemm jekk imqassam lid-detenturi tad-drittijiet jew lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħrajn, jew jekk jintuża b’mod differenti);

(b)

informazzjoni finanzjarja dwar l-ispiża tas-servizzi ta’ ġestjoni tad-drittijiet u servizzi oħra pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas dawn il-punti li ġejjin:

(i)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet ġestiti u fejn l-ispejjeż huma indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat biex jiġu allokati l-ispejjeż indiretti;

(ii)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji kollha, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati, u meta l-ispejjeż ikunu indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat għall-allokazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż indiretti, unikament fir-rigward tal-immaniġġjar tad-drittijiet inkluż il-ġestjoni ta’ tariffi tal-immaniġġjar imnaqqsa minn jew paċuti mad-dħul mid-drittijiet jew minn kwalunkwe introjtu li jirriżulta mill-investiment tad-dħul mid-drittijiet bi qbil mal-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 12(1), (2) u (3);

(iii)

l-ispejjeż operattivi u finanzjarji fir-rigward tas-servizzi ħlief l-immaniġġjar tad-drittijiet, iżda li jinkludi servizzi soċjali, kulturali u edukattivi;

(iv)

riżorsi użati biex ikopru l-ispejjeż;

(v)

tnaqqis li jsir mid-dħul tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu u l-iskop tat-tnaqqis, bħall-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tad-drittijiet jew mas-servizzi soċjali, kulturali jew edukattivi;

(vi)

il-perċentwali li l-ispiża tas-servizzi ta’ mmaniġġjar tad-drittijiet u servizzi oħra pprovduti mill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv lid-detenturi tad-drittijiet jirrappreżentaw meta mqabbla mad-dħul mid-drittijiet fis-sena finanzjarja rilevanti, u, fejn l-ispejjeż ikunu indiretti u ma jistgħux jiġu attribwiti lil kategorija waħda jew aktar ta’ drittijiet, spjegazzjoni tal-metodu użat għall-allokazzjoni ta’ dawn l-ispejjeż indiretti;

(c)

informazzjoni finanzjarja dwar l-ammonti dovuti lid-detenturi tad-drittijiet, b’deskrizzjoni komprensiva ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)

l-ammont totali attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(ii)

l-ammont totali mħallas lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iii)

il-frekwenza tal-pagamenti, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u skont it-tip ta’ użu;

(iv)

l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex attribwit lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawk l-ammonti;

(v)

l-ammont totali miġbur iżda li jkun għadu ma ġiex mqassam lid-detenturi tad-drittijiet, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u t-tip ta’ użu u li jindika s-sena finanzjarja li fiha nġabru dawk l-ammonti;

(vi)

meta l-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tkun għadha ma għamlitx it-tqassim u l-ħlasijiet qabel l-iskadenza ffissata fl-Artikolu 13(1), ir-raġunijiet għal dan id-dewmien;

(vii)

l-ammonti totali li ma jistgħux jitqassmu, flimkien ma’ spjegazzjoni dwar il-mod kif dawk l-ammonti ntużaw.

(d)

informazzjoni dwar ir-relazzjonijet ma’ organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv b’deskrizzjoni ta’ mill-anqas il-punti li ġejjin:

(i)

l-ammonti li waslu minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra u l-ammonti mħallsa lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija tad-drittijiet, skont it-tip ta’ użu u skont l-organizzazzjoni;

(ii)

it-tariffi tal-immaniġġjar u tnaqqis ieħor mid-dħul mid-drittijiet dovut lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet, skont it-tip ta’ użu u skont l-organizzazzjoni;

(iii)

it-tariffi tal-immaniġġjar għal u tnaqqis ieħor mill-ammonti mħallsa minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv oħra, imqassma skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull organizzazzjoni;

(iv)

l-ammonti distribwiti direttament lid-detenturi tad-drittijiet li joriġina minn organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv, imqassam skont il-kategorija ta’ drittijiet u għal kull organizzazzjoni.

3.

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport speċjali msemmi fl-Artikolu 22(3) għandha tinkludi:

(a)

l-ammonti mnaqqsa għall-finijiet ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi fis-sena finanzjarja, imqassma skont it-tip ta’ skop u, għal kull tip ta’ skop, skont il-kategorija ta’ drittijiet immaniġġjati u għal kull tip ta’ użu;

(b)

spjegazzjoni tal-użu ta’ dawk l-ammonti, imqassma għal kull tip ta’ skop inkluż l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-ammonti mnaqqsa għall-finanzjament ta’ servizzi soċjali, kulturali u edukattivi u tal-ammonti separati użati għas-servizzi soċjali, kulturali u edukattivi.


DEĊIŻJONIJIET

20.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/99


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 136/2014/UE

tal-20 ta’ Frar 2014

li tistabbilixxi regoli u proċeduri biex jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 203 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija parteċipant fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process għall-kummerċ internazzjonali fid-djamanti mhux maħdumin (“skema taċ-ċertifikazzjoni KP”). Bħala parteċipant hija għandha l-obbligu li tiżgura li ertifikat jakkumpanja kull merkanzija ta’ djamanti mhux maħduma impurtati fi jew li huma esportati mit-territorju tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2368/2002 (2) jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ ċertifikazzjoni u tal-kontrolli ta’ importazzjoni u esportazzjoni għad-djamanti mhux maħduma bil-għan tal- implimentazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP.

(3)

Il-Groenlandja mhijiex parti mit-territorju tal-Unjoni iżda hija inkluża fil-lista ta’ pajjiżi u territorji barranin stipulati fl-Anness II tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). B’konformità mal-Artikolu 198 tat-TFUE, l-għan tal-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni huwa li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mix-xtut u jiġu stabbiliti relazzjonijiet ekonomiċi mill-qrib bejnhom u l-Unjoni.

(4)

Id-Danimarka u l-Groenlandja talbu li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fl-iskema ta’ċertifikazzjoni KP dwar djamanti mhux maħduma permezz tal-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni. Tali kooperazzjoni ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-Unjoni u l-Groenlandja fl-industrija tad-djamanti, u b’mod partikolari din tippermetti lill-Groenlandja tesporta djamanti mhux maħduma akkumpanjati miċ-Ċertifikat tal-UE maħruġ għall-finijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni, bil-ħsieb li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku tal-Groenlandja.

(5)

In-negozju ta’ djamanti mhux maħduma fil-Groenlandja għandu, għalhekk, isir b’konformità għar-regoli tal-Unjoni li jimplimentaw l-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP għall-kummerċ internazzjonali ta’ djamanti mhux maħduma. Għaldaqstant, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 ser jiġi estiż bir-Regolament (UE) Nru 257/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għat-territorju tal-Groenlandja għall-finijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni.

(6)

B’mod partikolari l-Groenlandja għandha tesporta biss djamanti mhux maħduma lill-parteċipanti l-oħra fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni PK wara li jkunu ġew ċertifikati minn awtorità tal-Unjoni elenkata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002. L-importazzjonijiet ta’ djamanti mhux maħduma fil-Groenlandja għandhom jiġu verifikati wkoll mill-awtoritajiet tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jiġi permess il-kummerċ internazzjonali tad-djamanti mhux maħduma fil-Groenlandja, skont ir-regoli dwar il-kummerċ fl-Unjoni, il-Groenlandja għandha tikkommetti ruħha li tittrasponi d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 fil-liġi nazzjonali tal-Groenlandja sabiex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Groenlandja fis-sistema ta’ ċertifikazzjoni u kontrolli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2368/2002. Għal dan l-għan, din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli u proċeduri għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni tal-Kimberley Process (“skema ta’ ċertifikazzjoni KP”) għad-djamanti mhux maħduma impurtati jew esportati mill-Groenlandja, jew lejn l-Unjoni jew lil parteċipanti oħra fl-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-tifsira ta’ ‘Parteċipant’ tfisser ‘Parteċipant’ kif stipulat fil-punt (c) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002;

(b)

it-tifsira ta’ “Awtorita tal-Unjoni” tfisser “l-awtorità tal-Komunità” kif stipulat fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002;

(c)

it-tifsira ta’ “ċertifikat tal-UE” tfisser iċ-“ċertifikat Komunitarju” kif stipulat fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002.

Artikolu 3

Regoli ġenerali

1.   Il-Groenlandja għandha tiżgura li r-Regolament (KE) Nru 2368/2002 huwa traspost fid-dispożizzjonijiet leġislattivi applikabbli għall-Groenlandja fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-formalitajiet għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni ta’ djamanti mhux maħduma, it-tranżitu tagħhom fl-Unjoni minn u lil parteċipant għajr l-Unjoni, il-parteċipazzjoni tal-Unjoni, inkluża l-Groenlandja, fl-iskema taċ-ċertifikazzjoni KP, l-obbligi dwar diliġenza xierqa, l-anti-lċirkomvenzjoni, l-iskambju tal-informazzjoni, u l-iżgurar tal-konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2.   Il-Groenlandja għandha taħtar l-awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 fit-territorji tagħha u tikkomunika lill-Kummissjoni il-ħatra u d-dettalji tal-kuntatt ta’ dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 4

L-importazzjoni lejn l-Unjoni ta’ djamanti mhux maħduma imminati jew estratti fil-Groenlandja

1.   Id-djamanti mhux maħduma imminati jew estratti fil-Groenlandja jistgħu jiġu impurtati biss fl-Unjoni meta:

(a)

ikunu akkumpanjati mid-dokumenti ta’ attestazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)

dawn jinsabu f’kontenituri li ma jistgħux jiġu mbagħbsa, u s-siġilli applikati waqt l-esportazzjoni mhumiex miksura;

(c)

id-dokument ta’ attestazzjoni msemmi fil-paragrafu 2 jidentifika b’mod ċar il-kunsinna li jkun qed jirreferi għaliha;

(d)

id-djamanti mhux maħduma ma kinux preċedentament esportati għal parteċipant minbarra l-Unjoni.

2.   Biex tippermetti d-djamanti mhux maħduma imminati jew estratti fil-Groenlandja jiġu importati fl-Unjoni, l-awtorità kompetenti għall-Groenlandja elenkata fl-Anness II (“l-awtorità tal-Groenlandja”) għandha, fuq talba toħroġ dokument ta’ attestazzjoni li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I.

3.   L-awtorità tal-Groenlandja għandha tikkonsenja d-dokument ta’ attestazzjoni lill-applikant u għandha żżomm kopja għal tliet snin għall-finijiet taż-żamma ta’ rekords.

4.   L-aċċettazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (4) tad-djamanti mhux maħduma msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun soġġetta għall-verifika minn awtorità tal-Unjoni elenkata fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2368/2002 tad-dokument ta’ attestazzjoni maħruġ skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Għal dan l-għan, il-kontenituri ta’ djamanti mhux maħduma imminati jew estratti fil-Groenlandja għandhom, fmal-importazzjoni lejn l-Unjoni, jiġu ppreżentati mingħajr dewmien għall-verifikazzjoni ma’ awtorità xierqa tal-Unjoni.

5.   Jekk xi awtorità tal-Unjoni tistabbilixxi li l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 1 huma ssodisfati, hija għandha tikkonferma dan fuq l-oriġinal tad-dokument ta’ attestazzjoni u tipprovdi lill-importatur kopja awtentika u reżistenti għall-falsifikazzjoni ta’ dak iċ-ċertifikat. Din il-proċedura ta’ konfermazzjoni għandha sseħħ fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mill-preżentazzjoni tad-dokument ta’ attestazzjoni.

6.   L-Istat Membru li lejh jiġu importati d-djamanti mhux maħduma mill-Groenlandja għandu jiżgura l-preżentazzjoni tagħhom lill-awtorità adatta tal-Unjoni. L-importatur għandu jkun responsabbli għall-moviment kif suppost tad-djamanti mhux maħduma u għall-ispejjeż ta’ dan.

7.   Fil-każ ta’ dubji dwar l-awtentiċità jew il-korrettezza ta’ ċertifikat maħruġ skont il-paragrafu 2, u f’każijiet fejn ikun meħtieġ parir ulterjuri, l-awtoritajiet doganali għandhom jikkuntattjaw l-awtorità tal-Groenlandja.

8.   L-awtorità tal-Unjoni għandha żżomm l-oriġinali tad-dokumenti ta’ attestazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ippreżentati għall-verifikazzjoni għal mill-inqas tliet snin. Għandha tipprovdi lill-Kummissjoni jew lil persuni jew korpi magħżula mill-Kummissjoni aċċess għal dawk id-dokumenti oriġinali ta’ attestazzjoni partikolarment bl-għan li twieġeb il-mistoqsijiet imqajma fil-qafas tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni KP.

Artikolu 5

Kwalunkwe importazzjoni sussegwenti ta’ djamanti mhux maħduma imminati jew estratt fil-Groenlandja fl-Unjoni

Minkejja l-Artikolu 4, id-djamanti mhux maħduma imminati jew estratti fil-Groenlandja jistgħu jiġu importati fl-Unjoni fejn:

(a)

qabel dawn kienu legalment esportati mill-ġdid mill-Unjoni lejn il-Groenlandja;

(b)

huma akkumpanjati minn kopja awtentikata u li ma tkunx tista’ tiġi ffalsifikata tad-dokument ta’ attestazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(2) kif ivvalidat minn awtorità tal-Unjoni skont l-Artikolu 4(5);

(c)

id-djamanti mhux maħduma jinsabu ġo kontenituri li ma jistax jiġi mbagħbas, u s-siġilli applikati waqt l-esportazzjoni mhumiex miksura;

(d)

id-dokument imsemmi fil-punt (b) jidentifika b’mod ċar il-kunsinna li jkun qed jirreferi għaliha;

(e)

id-djamanti mhux maħduma ma kinux preċedentament esportati għal parteċipant minbarra l-Unjoni.

Artikolu 6

Importazzjonijiet oħra lejn l-Unjoni ta’ djamanti mhux maħduma mill-Groenlandja

Minkejja l-Artikoli 4 u 5, id-djamanti mhux maħduma mill-Groenlandja jistgħu jiġu importati fl-Unjoni fejn:

(a)

qabel dawn kienu legalment esportati mill-Unjoni lejn il-Groenlandja;

(b)

dawn huma akkumpanjati mid-dokument imsemmi fil-punt (b) tal–Artikolu 9;

(c)

dawn jinsabu f’kontenituri li ma jistgħux jiġu mbagħbsa, u s-siġilli applikati waqt l-esportazzjoni mhumiex miksura;