ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2014.077.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 77

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 57
15 ta' Marzu 2014


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

1

 

*

Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

11

 

*

Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat

27

 

*

Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

44

 

*

Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

77

 

*

Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

85

 

*

Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna

95

 

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 237/2014 tat-13 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Strument għall-Kooperazzjoni fis-Sikurezza Nukleari

109

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/1


REGOLAMENT (UE) Nru 230/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ dirett għall-politika esterna tal-Unjoni u jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li skada fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Il-preservazzjoni tal-paċi, il-prevenzjoni ta' konflitti, it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u l-għajnuna lill-popolazzjonijiet, lill-pajjiżi u lir-reġjuni kkonfrontati minn diżastri naturali jew minn dawk ikkaġunati mill-bniedem huma fost l-objettivi ewlenija tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, hekk kif stabbilit, fost l-oħrajn, fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Il-kriżijiet u l-konflitti li jolqtu lill-pajjiżi u r-reġjuni, u fatturi oħrajn bħat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, vjolenza bbażata fuq is-sessi, it-tibdil fil-klima, l-isfidi għaċ-ċibersigurtà u t-theddid għas-sigurtà li jiġi minn diżastri naturali joħolqu riskju għall- istabbiltà u s-sigurtà. Sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv u bikri dawk il-kwistjonijiet, jenħtieġu riżorsi finanzjarji u strumenti ta' finanzjament speċifiċi li jistgħu jaħdmu b'mod komplimentari ma' strumenti ta' għajnuna umanitarija u ta' kooperazzjoni fuq perijodu ta' żmien twil.

(3)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 u s-16 ta' Ġunju 2001, il-Kunsill Ewropew approva l-Programm tal-Unjoni għall-Prevenzjoni ta' Konflitti Vjolenti, li jenfasizza l-impenn politiku tal-Unjoni biex il-prevenzjoni ta' konflitti titqies bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, u jirrikonoxxi li l-istrumenti għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp jistgħu jikkontribwixxu għall-ksib ta' dak l-għan. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-prevenzjoni ta' konflitti ddikjaraw mill-ġdid il-validità ta' dak il-Programm bħala bażi ta' politika valida għall-azzjoni ulterjuri tal-Unjoni fil-qasam tal-prevenzjoni ta' konflitti. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Novembru 2009, il-Kunsill approva l-’Kunċett dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u Djalogu tal-UE’.

(4)

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2007 dwar reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, datati wkoll fid-19 ta' Novembru 2007 dwar is-sigurtà u l-iżvilupp, enfasizzaw li r-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà għandha tinfluwenza l-istrateġiji u l-politiki tal-Unjoni sabiex tikkontribwixxi għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'konformità mal-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u għall-koerenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni b'mod ġenerali. B'mod aktar speċifiku, il-Kunsill ikkonkluda li l-ħidma futura fir-rigward tas-sigurtà u tal-iżvilupp għandha tinkludi l-implikazzjonijiet ta' sigurtà u ta' żvilupp tat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet ambjentali u l-kwistjonijiet ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali u l-migrazzjoni.

(5)

Il-Kunsill Ewropew approva l-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà fit-12 ta' Diċembru 2003 u l-analiżi kondiviża tar-Rapport ta' Implimentazzjoni tagħha fil-11 ta' Diċembru 2008. Fil-komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Strateġija ta' Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa sikura” il-Kummissjoni nnotat ukoll l-importanza tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari għall-finijiet tal-ġlieda kontra theddid multipli bħalma huma t-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tad-droga u t-terroriżmu.

(6)

Fil-komunikazzjoni tagħha intitolata “Lejn reazzjoni tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità — l-involviment f'ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabbiltà u l-paċi”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-kontribut essenzjali li tagħti l-Unjoni għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà, billi kkontestat espressjonijiet ta' vjolenza u l-kawżi prinċipali tan-nuqqas ta' sigurtà u l-konflitt vjolenti. Dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ksib ta' dawk l-għanijiet.

(7)

Fit-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill approva approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 1325 (2000) u 1820 (2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li jirrikonoxxu r-rabtiet mill-qrib bejn il-kwistjonijiet ta' paċi, sigurtà, żvilupp u ugwaljanza bejn is-sessi. L-Unjoni b'mod konsistenti appellat għal implimentazzjoni sħiħa tal-aġenda dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà kif tinsab fir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, partikolarment il-ħtieġa għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-bini tal-paċi.

(8)

Il-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012, jappellaw għall-iżvilupp ta' gwida operazzjonali biex jiġi żgurat li jitqiesu d-drittijiet tal-bniedem fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza kontra t-terroriżmu, u jissottolinjaw li l-eradikazzjoni tat-tortura u ta' trattament ieħor krudili, inuman jew degradanti u r-rispett għal proċess f'konformità mal-liġi (inkluż li wieħed jiġi preżunt innoċenti, id-dritt għal proċess ġust, u drittijiet għal difiża) huma prijorità tal-Unjoni fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

(9)

Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem tqiegħdu fuq quddiem fir-relazzjonijiet tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prinċipji skont dan ir-Regolament.

(10)

Id-Dikjarazzjoni tal-25 ta' Marzu 2004 tal-Kunsill Ewropew dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu għamlet sejħa biex l-objettivi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu jiġu integrati fil-programmi ta' għajnuna esterna. L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, adottata mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2005, sejħet għal żieda fil-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u man-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2011 dwar it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-aspetti interni u esterni tal-ġlieda kontra t-terroriżmu appellaw biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu f'pajjiżi terzi fil-programmazzjoni strateġika tal-Istrument għall-Istabbiltà stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1717/2006.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 1717/2006 ġie adottat bil-għan li jippermetti lill-Unjoni tipprovdi rispons konsistenti u integrat għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' kriżi emerġenti, sabiex jiġi indirizzat it-theddid speċifiku għas-sigurtà globali u transreġjonali u biex tissaħħaħ it-tħejjija għall-kriżijiet. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jintroduċi strument rivedut, li jibni fuq l-esperjenza tar-Regolament (KE) Nru 1717/2006, sabiex tiżdied l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tar-reazzjoni għall-kriżijiet, tal-prevenzjoni ta' konflitti, tal-bini tal-paċi u tat-tħejjija għall-kriżijiet fl-indirizzar ta' theddid u sfidi għas-sigurtà.

(12)

Il-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament għandhom jiksbu l-objettivi tal-Artikolu 21 tat-TUE u tal-Artikoli 208 u 212 tat-TFUE. Huma jistgħu jikkomplementaw u għandhom ikunu konsistenti ma' miżuri adottati mill-Unjoni għall-ilħuq tal-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà komuni fil-qafas tat-Titolu V tat-TUE, u miżuri adottati fil-qafas tal-Ħames Parti tat-TFUE. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw biex jiżguraw tali konsistenza, kull istituzzjoni skont is-setgħat rispettivi tagħha.

(13)

Dan ir-Regolament għandu jkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”) kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (3). Id-Dikjarazzjoni tal-2010 mir-Rappreżentant Għoli dwar il-kontabbiltà politika kkonfermat il-prinċipji ta' djalogu u konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u tal-għoti ta' informazzjoni u rappurtar lill-Parlament Ewropew.

(14)

Il-Kummissjoni u s-SEAE, skont kif ikun meħtieġ, għandhom ikollhom skambji regolari u frekwenti ta' fehmiet u informazzjoni mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, skont il-ftehimiet interistituzzjonali rilevanti dwar il-kwistjoni, il-Parlament Ewropew għandu jingħata aċċess għal dokumenti sabiex id-dritt ta' skrutinju skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jiġi eżerċitat b'mod infurmat.

(15)

Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-miżuri ta' programmazzjoni u ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(17)

B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tal-orjentazzjoni tal-politika tagħhom u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha, fil-prinċipju, tintuża għall-adozzjoni tagħhom, għajr fil-każ ta' miżuri fuq skala finanzjarja żgħira.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-ħtieġa għal reazzjoni rapida mill-Unjoni jirrikjedu raġunijiet imperattivi ta' urġenza.

(19)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan l-istrument, strumenti oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(20)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill- Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjaretà u tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(21)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu tal-applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (6) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(22)

Huwa kunsiljabbli li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (7). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument (l-“Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi”) li jipprevedi, għall-perijodu mill-2014 sal-2020, appoġġ dirett għall-politika esterna tal-Unjoni billi jżid l-effiċjenza u l-koerenza tal-azzjonijiet tal-Unjoni fl-oqsma tar-reazzjoni għall-kriżijiet, tal-prevenzjoni ta' konflitti, tal-bini tal-paċi u tat-tħejjija għall-kriżijiet, u fit-trattament ta' theddid globali u transreġjonali.

2.   L-Unjoni għandha tadotta miżuri għal kooperazzjoni fl-iżvilupp, kif ukoll miżuri għal kooperazzjoni finanzjarja, ekonomika u teknika ma' pajjiżi terzi, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u ma' atturi oħra Statali u tas-soċjetà ċivili taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

3.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “atturi tas-soċjetà ċivili” jinkludi organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw popolazzjonijiet indiġeni, gruppi lokali taċ-ċittadini u assoċjazzjonijiet tan-negozjanti, kooperattivi, trade unions, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi ekonomiċi u soċjali, organizzazzjonijiet lokali (li jinkludu netwerks) involuti fil-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali deċentralizzati, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet għat-tagħlim, kulturali, ta' riċerka u xjentifiċi, universitajiet, knejjes u assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-medja u kwalunkwe assoċjazzjonijiet nongovernattivi u fondazzjonijiet privati u pubbliċi li x'aktarx jikkontribwixxu għall-iżvilupp jew għad-dimensjoni esterna tal-linji politiċi interni. Korpi jew atturi oħrajn mhux elenkati f'dan il-paragrafu jistgħu jiġu ffinanzjati meta dan ikun meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

4.   L-objettivi speċifiċi ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu:

(a)

li f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti, jikkontribwixxi malajr għall-istabbiltà billi tiġi pprovduta reazzjoni effettiva mfassla biex jgħin jippreserva, jistabbilixxi jew jistabbilixxi mill-ġdid il-kondizzjonijiet essenzjali għall-implimentazzjoni xierqa tal-politiki u azzjonijiet esterni tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 TUE;

(b)

li jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' konflitti u jiżgura kapaċità u tħejjija għall-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' qabel u ta' wara kriżi u jikkontribwixxi għall-bini tal-paċi; u

(c)

li jindirizza theddid speċifiku globali u transreġjonali għall-paċi u s-sigurtà u l-istabbilità internazzjonali.

Artikolu 2

Konsistenza u komplementarjetà tal-għajnuna tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati skont dan ir-Regolament ikunu konsistenti mal-qafas ta' politika strateġika ġenerali tal-Unjoni għall-pajjiżi sħab, u b'mod partikolari mal-objettivi tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll ma' miżuri oħra rilevanti tal-Unjoni.

2.   Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament jistgħu jikkomplementaw, u għandhom ikunu konsistenti ma' miżuri adottati taħt it-Titolu V tat-TUE u l-Parti Ħamsa tat-TFUE. Il-miżuri adottati skont dan ir-Regolament għandhom iqisu, kif dovut, il-fehmiet tal-Parlament Ewropew.

3.   L-għajnuna tal-Unjoni pprovduta taħt dan ir-Regolament għandha tikkomplementa l-għajnuna pprovduta mill- istrumenti tal-Unjoni għall-għajnuna esterna, għandha tiġi pprovduta biss sakemm dawk l-istrumenti ma jkunux jistgħu jipprovdu reazzjoni adegwata u effettiva, u għandha tiġi ppjanata u implimentata b'tali mod li tiffaċilita l-kontinwità tal-azzjonijiet meħuda taħt dawk l-istrumenti, fejn applikabbli.

4.   Għandhom ikunu inklużi, fejn possibbli, il-kwistjonijiet trasversali li ġejjin, anke fil-programmazzjoni:

(a)

il-promozzjoni tad-demokrazija u l-governanza tajba;

(b)

id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja, inkluż id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet ta' popli indiġeni;

(c)

in-nondiskriminazzjoni;

(d)

l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa;

(e)

il-prevenzjoni ta' konflitti; u

(f)

it-tibdil fil-klima.

5.   L-attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (8) u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) li huma eliġibbli għal finanzjament taħt dawk l-atti leġislattivi ma għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament.

6.   Sabiex jissaħħu l-effikaċja u l-komplementarjetà tal-miżuri ta' għajnuna tal-Unjoni u tal-miżuri ta' għajnuna nazzjonali u biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju, il-Kummissjoni għandha tippromwovi koordinazzjoni mill-qrib fost l-attivitajiet tal-Unjoni u ma' dawk tal-Istati Membri kemm fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq livell operazzjonali. Għal dak l-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħaddmu sistema għall-iskambju ta' informazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tieħu inizzjattivi biex tiġi promossa tali koordinazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet multilaterali, reġjonali u sottoreġjonali u ma' donaturi oħrajn.

TITOLU II

TIPI TA' GĦAJNUNA TAL-UNJONI

Artikolu 3

Għajnuna b'reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti għall-prevenzjoni ta' konflitti

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 1(4) b'reazzjoni għas-sitwazzjonijiet eċċezzjonali u mhux previsti li ġejjin:

(a)

sitwazzjoni ta' urġenza, ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti,

(b)

għal sitwazzjoni li tkun ta' theddida għad-demokrazija, għal-liġi u għall-ordni, għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali jew għas-sigurtà u s-sikurezza tal-individwi, b'mod partikolari dawk esposti għal vjolenza bbażata fuq is-sessi f'sitwazzjonijiet ta' nuqqas ta' stabbiltà, jew

(c)

għal sitwazzjoni li tista' teskala għal konflitt armat jew li tiddistabilizza serjament lill-pajjiż(i) terz(i) ikkonċernat(i).

Tali għajnuna tista' wkoll tindirizza sitwazzjonijiet fejn l-Unjoni tkun invokat klawżoli ta' elementi essenzjali ta' ftehimiet internazzjonali biex tissospendi, parzjalment jew totalment, il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

2.   L-għajnuna teknika u finanzjarja msemmija fil-paragrafu 1 tista' tkopri dawn li ġejjin:

(a)

l-appoġġ, permezz tal-għoti ta' għajnuna teknika u loġistika, għall-isforzi magħmula minn organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u minn atturi Statali u tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tat-tisħiħ tal-fiduċja, tal-medjazzjoni, tad-djalogu u tar-rikonċiljazzjoni;

(b)

appoġġ għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà b'mod partikolari f'pajjiżi fraġli li qegħdin f'konflitt jew għadhom kif għaddew minn konflitt;

(c)

appoġġ għall-istabbiliment u l-funzjonament ta' amministrazzjonijiet interim awtorizzati f'konformità mad-dritt internazzjonali;

(d)

appoġġ għall-iżvilupp ta' istituzzjonijiet Statali pluralistiċi u demokratiċi, inklużi miżuri biex jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa f'tali istituzzjonijiet, amministrazzjoni ċivili effettiva u sorveljanza ċivili tas-sistema tas-sigurtà, kif ukoll miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta' traffikar illegali;

(e)

appoġġ għall-qrati kriminali internazzjonali u għat-tribunali nazzjonali ad hoc, għall-kummissjonijiet għall-verità u r-rikonċiljazzjoni, u għall-mekkaniżmi li legalment isolvu allegazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u jaffermaw u jaġġudikaw id-drittijiet ta' proprjetà, stabbiliti skont standards internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

(f)

appoġġ għal miżuri meħtieġa sabiex tinbeda r-rijabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura ewlenija, tad-djar, tal-bini pubbliku u tal-assi ekonomiċi, u l-kapaċità produttiva essenzjali, u miżuri oħra biex tinbeda mill-ġdid attività ekonomika, biex jinħolqu impjiegi u biex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet minimi meħtieġa għal żvilupp soċjali sostenibbli;

(g)

l-appoġġ għal miżuri ċivili relatati mad-demobilizzazzjoni u mal-integrazzjoni mill-ġdid tal-ex-kombattenti u l-familji tagħhom fis-soċjetà ċivili, u fejn hu xieraq, mar-ripatrijazzjoni tagħhom, kif ukoll għall-miżuri li jindirizzaw il-problema tas-suldati tfal u tal-kombattenti nisa;

(h)

appoġġ għal miżuri biex itaffu l-effetti soċjali tar-ristrutturazzjoni tal-forzi armati;

(i)

appoġġ għal miżuri biex, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-objettivi tagħhom, jindirizzaw l-impatt soċjoekonomiku tal-mini tal-art kontra l-bniedem, ta' splussivi attivi jew ta' fdal splussiv ieħor tal-gwerra fuq il-popolazzjoni ċivili. L-attivitajiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament jistgħu jkopru, fost l-oħrajn, edukazzjoni dwar riskji, il-kxif u t-tneħħija ta' mini u, flimkien ma' dan, il-qerda ta' ħażniet;

(j)

appoġġ għal -miżuri biex, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni u tal-objettivi tagħhom, jiġi miġġieled l-użu illegali tal-armi tan-nar, tal-armi ħfief u tal-armi ta' kalibru żgħir u l-aċċess għalihom;

(k)

appoġġ għal miżuri biex jiżguraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tat-tfal f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u ta' konflitt, inkluż l-esponiment tagħhom għal vjolenza bbażata fuq is-sess, jiġu milħuqa adegwatament;

(l)

appoġġ għar-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi ta' konflitt armat, inklużi l-miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tat-tfal;

(m)

appoġġ għal miżuri li jippromwovu u jiddefendu r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u l-istrumenti internazzjonali relatati;

(n)

appoġġ għal miżuri soċjoekonomiċi li jippromwovu l-aċċess ekwu għar-riżorsi naturali f'sitwazzjoni ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti, inkluż il-bini tal-paċi, u l-ġestjoni trasparenti tagħhom;

(o)

appoġġ għal miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt potenzjali ta' ċaqliq għall-għarrieda ta' popolazzjonijiet b'rilevanza għall-qagħda politika u tas-sigurtà, inklużi miżuri li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet li jilqgħuhom f'sitwazzjoni ta' kriżi jew kriżi emerġenti, inkluż il-bini tal-paċi;

(p)

appoġġ għal miżuri li jippromwovu l-iżvilupp u l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċess politiku, inklużi l-miżuri li jsaħħu r-rwol tan-nisa fi proċessi u miżuri bħal dawn li jippromwovu mezzi tal-informazzjoni indipendenti, pluralista u professjonali;

(q)

appoġġ għal miżuri ta' reazzjoni għal diżastri naturali jew dawk ikkaġunati mill-bniedem li jheddu l-istabbiltà, u għal theddid għas-saħħa pubblika marbut mal-pandemiċi, meta ma jkunx hemm għajnuna umanitarja u ta' protezzjoni ċivili mill-Unjoni jew billi jikkomplementawha.

3.   Fis-sitwazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-Unjoni tista' tipprovdi wkoll għajnuna teknika u finanzjarja li ma tkunx espressament koperta mill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Tali għajnuna għandha tkun limitata għal miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 7(2), li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huma jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ġenerali ta' dan ir-Regolament u fl-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a)tal-Artikolu 1(4);

(b)

huma limitati fit-tul ta' żmien għall-perijodu stabbilit fl-Artikolu 7(2);

(c)

huma normalment ikunu eliġibbli taħt ta' strumenti oħra tal-Unjoni għall-għajnuna esterna jew tal-komponenti l-oħra ta' dan ir-Regolament, iżda, minħabba li jkun meħtieġ reazzjoni rapida għas-sitwazzjoni, dawn għandhom jiġu indirizzati permezz ta' miżuri ta' kriżi jew ta' kriżi emerġenti.

Artikolu 4

Għajnuna għall-prevenzjoni ta' konflitti, il-bini tal-paċi u t-tħejjija għal kriżijiet

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 1(4). Tali għajnuna għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li jibnu u li jsaħħu l-kapaċità tal-Unjoni u tas-sħab tagħha sabiex jiġu evitati l-konflitti, biex tinbena l-paċi u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' qabel u ta' wara kriżi f'koordinazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sottoreġjonali oħrajn, u ma' atturi Statali u tas-soċjetà ċivili, b'rabta mal-isforzi tagħhom biex:

(a)

jippromwovu twissija bikrija u analiżi tar-riskju li tkun sensittiva għall-konflitti fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politika;

(b)

jiffaċilitaw u jibnu l-kapaċità fil-bini ta' fiduċja, medjazzjoni, djalogu u rikonċiljazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' tensjonijiet interkomunitarji emerġenti;

(c)

isaħħu l-kapaċitajiet għall-parteċipazzjoni u l-iskjerament f'missjonijiet ta' stabbilizzazzjoni ċivili;

(d)

itejbu l-irkupru ta' wara l-konflitti kif ukoll ta' wara d-diżastri b'rilevanza għall-qagħda politika u ta' sigurtà;

(e)

irażżnu l-użu tar-riżorsi naturali għall-finanzjament ta' konflitti, u jappoġġaw il-konformità mill-partijiet interessati b'inizjattivi bħall-Iskema ta' Ċertifikazzjoni tal-Proċessi Kimberley, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-implimentazzjoni ta' kontrolli domestiċi effiċjenti fuq il-produzzjoni tar-riżorsi naturali, u l-kummerċ bihom.

2.   Il-miżuri msemmija taħt dan l-Artikolu:

(a)

għandhom jinkludu t-trasferiment ta' kompetenzi, l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prassi, l-istima tar-riskju jew tat-theddid, ir-riċerka u l-analiżi, is-sistemi ta' twissija bikrija, it-taħriġ u t-twettiq ta' servizz;

(b)

għandhom jagħtu kontribut għall-iżvilupp ulterjuri ta' djalogu strutturat dwar kwistjonijiet għall-bini tal-paċi;

(c)

jistgħu jinkludu għajnuna teknika u finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-bini tal-paċi u tal-azzjonijiet li jappoġġaw il-bini tal-Istat.

Artikolu 5

Għajnuna biex jiġi indirizzat theddid globali u transreġjonali u theddid emerġenti

1.   L-Unjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika u finanzjarja sabiex jinkisbu l-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 1(4) fl-oqsma li ġejjin:

(a)

it-theddid għal-liġi u l-ordni, għas-sigurtà u s-sikurezza tal-individwi, għall-infrastruttura kritika u għas-saħħa pubblika;

(b)

il-mitigazzjoni tar-riskji, kemm jekk ikunu ta' oriġini intenzjonali, aċċidentali jew naturali, jew relatati ma' materjali jew aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

2.   L-għajnuna fl-oqsma msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li:

(a)

isaħħu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u tal-awtoritajiet ġudizzjarji u ċivili involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, inkluża l-kriminalità tal-informatika, u l-forom kollha ta' traffikar illegali u fil-kontroll effettiv ta' kummerċ u transitu illegali;

(b)

jindirizzaw theddid għall-infrastruttura kritika, li jistgħu jinkludu trasport internazzjonali, inklużi t-traffiku ta' passiġġieri u ta' merkanzija, l-operazzjonijiet ta' enerġija u d-distribuzzjoni tal-enerġija, u l-informazzjoni elettronika u n-netwerks ta' komunikazzjoni. Dawn il-miżuri adottati f'dan il-qasam għandhom jenfasizzaw b'mod partikolari l-kooperazzjoni transreġjonali u l-implimentazzjoni ta' standards internazzjonali fl-oqsma tas-sensibilizzazzjoni tar-riskji, l-analiżi tal-vulnerabilità, it-tħejjija għal emerġenzi, il-ġestjoni tal-allerti u tal-konsegwenzi tagħhom;

(c)

jiżguraw reazzjoni adegwata għal theddid kbir għas-saħħa pubblika, inklużi l-epidemiji mhux mistennija b'impatt potenzjalment transnazzjonali;

(d)

jindirizzaw l-effetti globali u transreġjonali tal-bidla fil-klima li jkollhom impatt potenzjalment destabbilizzanti fuq il-paċi u s-sigurtà.

3.   Fir-rigward tal-miżuri msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2:

(a)

għandha tingħata prijorità lill-kooperazzjoni transreġjonali li tinvolvi żewġ pajjiżi terzi jew aktar li urew li għandhom rieda politika ċara biex jindirizzaw il-problemi li jirriżultaw. Il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tista' ssir ukoll ma' pajjiżi, reġjuni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, reġjonali u sub-reġjonali individwali;

(b)

huma għandhom jenfasizzaw b'mod partikolari l-governanza tajba u għandhom ikunu konformi mad-dritt internazzjonali;

(c)

fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil awtoritajiet involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, għandha tingħata prijorità lill-miżuri ta' appoġġ li jikkonċernaw l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-leġislazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi finanzjarja, il-liġi doganali u l-liġi dwar l-immigrazzjoni, l-iżvilupp tal-proċeduri ta' infurzar tal-liġi li jkunu allinjati mal-ogħla standards internazzjonali u li jkunu f'konformità mad-dritt internazzjonali, it-tisħiħ tal-kontroll demokratiku u tal-mekkaniżmi ta' superviżjoni istituzzjonali, u l-prevenzjoni ta' radikaliżmu vjolenti;

(d)

fir-rigward ta' għajnuna relatata mal-problema tad-drogi, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-kooperazzjoni internazzjonali li għandha l-għan li tippromwovi l-aħjar prassi marbuta mat-tnaqqis fit-talba, fil-produzzjoni u fil-ħsara.

4.   L-għajnuna fl-oqsma msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandha tkopri l-appoġġ għall-miżuri li għandhom l-għan li:

(a)

jippromwovu attivitajiet ċivili ta' riċerka bħala alternattiva għar-riċerka relatata mad-difiża;

(b)

isaħħu l-prassi tas-sikurezza marbutin ma' faċilitajiet ċivili fejn jinħażnu jew jiġu ġestiti materjali jew aġenti sensittivi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari fil-kuntest ta' programmi ċivili ta' riċerka;

(c)

jappoġġaw, fil-qafas tal-politiki ta' kooperazzjoni tal-Unjoni u tal-objettivi tagħhom, l-istabbiliment ta' infrastruttura ċivili u studji ċivili rilevanti, neċessarji għaż-żarmar, għar-rimedju jew għall-konverżjoni ta' faċilitajiet u siti marbutin mal-armi meta dawn jiġu ddikjarati bħala li m'għadhomx parti minn programm ta' difiża;

(d)

isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet ċivili kompetenti involuti fl-iżvilupp u l-infurzar tal-kontroll effettiv tat-traffikar illegali ta' materjali jew aġenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari(inkluż it-tagħmir għall-produzzjoni jew it-twassil tagħhom);

(e)

jiżviluppaw il-qafas legali u l-kapaċitajiet istituzzjonali għall-istabbiliment u l-infurzar ta' kontrolli effettivi fuq l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, inklużi miżuri ta' kooperazzjoni reġjonali.

(f)

jiżviluppaw stat ta' tħejjija effettiva taċ-ċivil għad-diżastri, l-ippjanar għal emerġenzi, ir-reazzjoni għal kriżijiet, u l-kapaċitajiet għal miżuri ta' tindif.

TITOLU III

PROGRAMMAZZJONI U IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Qafas ġenerali

L-għajnuna tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 permezz ta':

(a)

miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 7;

(b)

dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali kif imsemmija fl-Artikolu 8;

(c)

programmi ta' azzjoni annwali, miżuri individwali u miżuri speċjali;

(d)

miżuri ta' appoġġ.

Artikolu 7

Miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni

1.   L-għajnuna tal-Unjoni taħt l-Artikolu 3 għandha tingħata permezz ta' miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali u programmi interim ta' reazzjoni.

2.   F'sitwazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 3(1), il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3). Tali miżura ta' għajnuna eċċezzjonali jista' jkollha tul sa 18-il xahar, li jista' jiġi estiż darbtejn b'perijodu ieħor li ma jaqbiżx is-sitt xhur, sa massimu ta' tul totali ta' 30 xahar, fil-każ ta' ostakoli oġġettivi u mhux mistennija għall-implimentazzjoni tagħha, dment li ma jkun hemm l-ebda żieda fl-ammont finanzjarju tal-miżura.

F'każijiet ta' kriżijiet u konflitti mtawla, il-Kummissjoni tista' tadotta miżura ta' għajnuna eċċezzjonali oħra ta' tul sa 18-il xahar.

It-tul tal-miżura ta' għajnuna eċċezzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu kkumbinat mat-tul ta' dik imsemmija fit-tieni subparagrafu ma għandux jeċċedi 36 xahar.

3.   Meta miżura ta' għajnuna eċċezzjonali tkun tiswa aktar minn EUR 20 000 000, din għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

4.   Qabel ma tadotta jew iġġedded miżura ta' għajnuna eċċezzjonali li tkun tiswa sa EUR 20 000 000, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill dwar in-natura u l-objettivi tagħha u l-ammonti finanzjarji previsti. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill qabel ma tagħmel bidliet sostanzjali għall-miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali li jkunu diġà adottati. Il-Kummissjoni għandha tqis l-approċċ ta' politika rilevanti tal-Kunsill kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni sussegwenti tagħha ta' dawn il-miżuri, fl-interessi tal-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

5.   Kemm jista' jkun malajr wara l-adozzjoni ta' miżura ta' għajnuna eċċezzjonali, u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill billi tagħti ħarsa ġenerali lejn in-natura, il-kuntest u r-raġunament tal-miżura adottata, inkluża l-komplementarjetà ta' dik il-miżura mar-reazzjoni li tkun attwali u dik ippjanata tal-Unjoni.

6.   Il-Kummissjoni tista' tadotta programmi interim ta' reazzjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 bil-ħsieb li jiġu stabbiliti jew jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kondizzjonijiet essenzjali meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-politiki tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni esterna.

Il-programmi interim ta' reazzjoni għandhom jibnu fuq il-miżuri ta' għajnuna eċċezzjonali.

7.   Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew kif dovut u fil-ħin dwar l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-Unjoni skont l-Artikolu 3, inklużi l-ammonti finanzjarji previsti, u għandha wkoll tinforma lill-Parlament Ewropew meta tagħmel bidliet jew estensjonijiet sostanzjali għal dik l-għajnuna.

Artikolu 8

Dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali

1.   Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jikkostitwixxu l-bażi ġenerali għall-implimentazzjoni tal-għajnuna taħt l-Artikoli 4 u 5. Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jipprovdu qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab jew ir-reġjuni kkonċernati.

2.   It-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jikkonformaw mal-prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, bħalma hija s-sħubija, il-koordinazzjoni, u fejn applikabbli, l-armonizzazzjoni. Għal dak il-għan, id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom ikunu konsistenti, u jevitaw id-duplikazzjoni, mad-dokumenti ta' programmazzjoni li jkunu ġew approvati jew adottati skont strumenti oħra tal-Unjoni għall-għajnuna esterna.

Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom, fil-prinċipju, ikunu bbażati fuq djalogu tal-Unjoni jew, fejn adatt, tal-Istati Membri rilevanti, mal-pajjiżi sħab jew mar-reġjuni kkonċernati inklużi s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex jiġi żgurat li l-pajjiżi jew ir-reġjuni kkonċernati jakkwistaw b'mod suffiċjenti s-sjieda tagħhom tal-proċess tal-programmazzjoni.

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fl-istadju bikri tal-proċess tal-programmazzjoni sabiex jippromwovu l-konsistenza u l-kumplimentarjetà fost l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tagħhom.

3.   Kull dokument ta' strateġija tematika għandu jkun akkumpanjat minn programm indikattiv pluriennali li jiġbor fil-qosor l-oqsma ta' prijorità magħżula għall-finanzjament tal-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni u l-iskeda ta' żmien tal-għajnuna mill-Unjoni.

Il-programm indikattiv pluriennali għandu jiddetermina l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull programm fih, b'kont meħud tal-ħtiġijiet u d-diffikultajiet partikolari tal-pajjiżi sħab jew tar-reġjuni kkonċernati. L-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw f'forma ta' firxa fejn ikun meħtieġ.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija tematika għandhom jiġu approvati u l-programmi indikattivi pluriennali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll għal reviżjonijiet sostanzjali li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti d-dokumenti ta' strateġija tematika jew il-programmi indikattivi pluriennali.

5.   Il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 ma għandhiex tapplika għal modifiki mhux sostanzjali jew aġġustamenti tekniċi għad-dokumenti ta' strateġija tematika u l-programmi indikattivi pluriennali li f'konformità magħhom jiġu assenjati mill-ġdid il-fondi fi ħdan l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull qasam prijoritarju, jew id-daqs tal-allokazzjoni finanzjarja indikattiva inizjali jiżdied jew jonqos b'mhux aktar minn 20 % iżda b'ammont li ma jaqbiżx l-EUR 10 000 000, dment li t-tali modifiki jew aġġustamenti tekniċi ma jaffettwawx l-oqsma u l-objettivi prijoritarji stabbiliti f'dawk id-dokumenti.

F'każijiet bħal dawn, il-modifiki jew aġġustamenti tekniċi għandhom jiġu kkomunikati mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11.

6.   Għal raġunijiet imperattivi ta' emerġenza debitament iġġustifikati relatati mal-ħtieġa ta' reazzjoni rapida mill-Unjoni, il-Kummissjoni tista' timmodifika dokumenti ta' strateġija tematika u programmi indikattivi pluriennali skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

7.   Kwalunkwe programmar jew reviżjoni ta' programmi li jsiru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandhom jieħdu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 9

Is-soċjetà ċivili

It-tħejjija, il-programmazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' miżuri taħt dan ir-Regolament għandhom isiru, fejn ikun possibbli u xieraq, f'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili.

Artikolu 10

Id-drittijiet tal-bniedem

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri adottati taħt dan ir-Regolament f'rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata jiġu implimentati f'konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż il-liġi umanitarja internazzjonali.

2.   F'konformità mal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa gwida operazzjonali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-prevenzjoni tat-tortura u ta' trattament krudili, inuman jew degradanti ieħor u mar-rispett għal proċess dovut, inklużi l-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt għal proċess ġust u drittijiet għal difiża. Għandha tkun preżenti wkoll perspettiva ċara rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-miżuri li jindirizzaw iċ-ċibersigurtà u l-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja bir-reqqa jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 sabiex tkun żgurata konformità mal-obbligi ta' drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tinkludi informazzjoni f'dan ir-rigward fir-rapportar regolari tagħha.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“Kumitat tal-Istrument għall-Istabbiltà u l-Paċi”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE, b'mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha.

Artikolu 13

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-2014 sal-2020 huwa stabbilit għal EUR 2 338 719 000.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   Fil-perijodu mill-2014 sal-2020:

(a)

mill-inqas 70 punt perċentwali tal-pakkett finanzjarju għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3; u

(b)

disa' punti perċentwali tal-pakkett finanzjarju għandhom jiġu allokati għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 4.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(2)  Regolament (KE) Nru 1717/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Istabbiltà (ĠU L 327, 24.11.2006, p. 1)

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(5)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(7)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat- 2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(8)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(9)  Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/11


REGOLAMENT (UE) Nru 231/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-qafas għall-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, inkluż l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (“IPA II”).

(2)

Minħabba li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 (4) skada fil-31 ta' Diċembru 2013 u sabiex isir użu aktar effettiv mill-azzjoni esterna tal-Unjoni, għandu jinżamm qafas għall-ippjanar u għall-konsenja tal-għajnuna esterna għall-perijodu mill-2014 sal-2020. Il-politika ta' tkabbir tal-Unjoni għandha tibqa' tiġi appoġġata minn strument speċifiku għall-finanzjament tal-azzjoni esterna. L-IPA II għandu għalhekk jiġi stabbilit.

(3)

L-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li kull Stat Ewropew li japprova l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi, jista' japplika sabiex isir membru tal-Unjoni. Stat Ewropew li applika sabiex jissieħeb fl-Unjoni jista' jsir membru biss meta jkun ġie kkonfermat li jissodisfa l-kriterji għas-sħubija stabbiliti fil-Kunsill Ewropew ta' Kopenħagen f'Ġunju 1993 (il-“kriterji ta' Kopenħagen”) u dment li l-adeżjoni ma tkunx estendiet iżżejjed il-kapaċità tal-Unjoni biex tintegra l-membru l-ġdid. Dawk il-kriterji huma relatati mal-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi, l-eżistenza ta' ekonomija tas-suq operattiva kif ukoll il-kapaċità li pajjiż ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, u l-abbiltà li jassumu mhux biss id-drittijiet iżda wkoll l-obbligi taħt it-Trattati, inkluż l-aderenza mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja.

(4)

L-istrateġija għat-tkabbir ibbażata fuq il-konsolidazzjoni, il-kondizzjonalità u l-komunikazzjoni, flimkien mal-kapaċità tal-Unjoni li tintegra membri ġodda, għadha tifforma l-bażi għal kunsens imġedded dwar it-tkabbir. Il-proċess ta' adeżjoni huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali tal-applikanti kollha, b'kull wieħed minnhom jiġi vvalutat fuq il-merti tiegħu stess. Il-progress lejn l-adeżjoni jiddependi fuq ir-rispett ta' kull applikant għall-valuri tal-Unjoni u l-kapaċità tiegħu li jwettaq ir-riformi meħtieġa sabiex jallinja s-sistemi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi u ekonomiċi mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki fl-Unjoni.

(5)

Il-proċess ta' tkabbir isaħħaħ il-paċi, id-demokrazija u l-istabbiltà fl-Ewropa u jippermetti li l-Unjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi globali. Il-qawwa trasformattiva tal-proċess tat-tkabbir tiġġenera riforma politika u ekonomika estensiva fil-pajjiżi ta' tkabbir li hija ta' benefiċċju wkoll għall-Unjoni fl-intier tagħha.

(6)

Il-Kunsill Ewropew ta l-istatus ta' pajjiż kandidat lill-Islanda, il-Montenegro, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-Turkija u s-Serbja. Huwa kkonferma l-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent. Mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus jew għal kwalunkwe deċiżjoni futura li għandha tittieħed mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill, dawk li jibbenefikaw min perspettiva Ewropea bħal din li ma ngħatawx status ta' pajjiż kandidat jistgħu jitqiesu bħala kandidati potenzjali għall-fini uniku ta' dan ir-Regolament. L-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tingħata lill-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I.

(7)

L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata f'konformità mal-qafas ta' politika dwar it-tkabbir iddefinit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill u b'kont dovut tal-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u r-Rapporti ta' Progress inklużi fil-pakkett annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew. L-assistenza għandha tingħata wkoll f'konformità mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, u f'konformità mas-Sħubiji Ewropej u għall-Adeżjoni. L-assistenza għandha tiffoka prinċipalment fuq għadd magħżul ta' oqsma ta' politika li ser jgħinu lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-istat tad-dritt, ir-riforma tal-ġudikatura u l-amministrazzjoni pubblika, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tolleranza, l-inklużjoni soċjali u n-nondiskriminazzjoni. L-assistenza għandha tkompli tappoġġa l-isforzi tagħhom biex jagħmlu progress fil-kooperazzjoni reġjonali, makroreġjonali u transkonfinali kif ukoll fl-iżvilupp territorjali, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE. Hija għandha wkoll issaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, li jenfasizza aġenda tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiva b'attenzjoni partikolari fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju, bil-ħsieb li jinkisbu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (“Strateġija Ewropa 2020”) u għall-allinjament progressiv mal-kriterji ta' Kopenħagen. Il-koerenza bejn l-assistenza finanzjarja u l-progress ġenerali li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' qabel l-adeżjoni għandha tissaħħaħ.

(8)

Sabiex jittieħed kont tal-bidliet fil-qafas ta' politika dwar it-tkabbir jew ta' żviluppi sinifikanti fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, is-setgħa biex jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament u l-aġġornament tal-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza elenkati fl-Anness II. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta ta' dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(9)

It-tisħiħ tal-istat tad-dritt, inkluż il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-governanza tajba, inkluż ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, jibqgħu sfidi ewlenin fil-parti l-kbira tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u huma essenzjali sabiex dawk il-benefiċjarji jersqu eqreb tal-Unjoni u biex aktar tard jassumu bis-sħiħ l-obbligi tas-sħubija mal-Unjoni. Fid-dawl tan-natura aktar fit-tul tar-riformi mwettqin f'dawk l-oqsma u l-ħtieġa li jiġu akkumulati riżultati tanġibbli, l-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tindirizza r-rekwiżiti imposti fuq il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I malajr kemm jista' jkun.

(10)

Jeħtieġ li l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ikunu ppreparati aħjar sabiex jindirizzaw l-isfidi globali, bħall-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima, u li jallinjaw ruħhom mal-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza dawk il-kwistjonijiet. L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi wkoll għall-kisba tal-għan li jiżdied il-proporzjon tal-baġit tal-Unjoni relatat mal-klima għal mill-inqas 20 %.

(11)

L-Unjoni għandha wkoll tipprovdi appoġġ għat-transizzjoni lejn l-adeżjoni għall-benefiċċju tal-benefiċjarji kollha elenkati fl-Anness I, abbazi tal-esperjenza tal-Istati Membri tagħha. Din il-kooperazzjoni għandha tiffoka b'mod partikolari fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza miksuba mill-Istati Membri fil-proċess tar-riforma.

(12)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità, il-koerenza u l-komplementarjetà tal-assistenza tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza. Il-passi meħtieġa għandhom jittieħdu wkoll biex tiġi żgurata koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet regolari, ma' donaturi oħra. Ir-rwol tas-soċjetà ċivili għandu jissaħħaħ kemm fil-programmi implimentati permezz ta' korpi governattivi kif ukoll bħala benefiċjarja diretta tal-assistenza mill-Unjoni.

(13)

Il-prijoritajiet għall-azzjoni lejn il-kisba tal-għanijiet fl-oqsma ta' politika rilevanti li ser ikunu appoġġati taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu definiti f'dokumenti ta' strateġija indikattivi stabbiliti mill-Kummissjoni għad-durata tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom u l-aġenda tat-tkabbir, f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi definiti b'dan ir-Regolament u b'kont debitu meħud tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jidentifikaw ukoll l-oqsma ta' politika li għandhom jiġu appoġġati bl-assistenza u, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandhom jistabbilixxu l-allokazzjonijiet indikattivi ta' fondi tal-Unjoni għal kull qasam ta' politika, imqassma għal kull sena, inkluż stima tan-nefqa relatata mal-klima. Għandu jkun hemm flessibbiltà suffiċjenti li tilqa' għall-ħtiġijiet emerġenti u li tagħti inċentivi għat-titjib tal-prestazzjoni. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiżguraw koerenza u konsistenza mal-isforzi tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I kif rifless fil-baġits nazzjonali tagħhom u għandhom jieħdu kont tal-appoġġ ipprovdut minn donaturi oħra. Sabiex jittieħed kont tal-iżviluppi interni u esterni, id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu analizzati u riveduti skont kif ikun il-każ.

(14)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jiġu assistiti fl-isforzi tagħhom biex jirriformaw bil-ħsieb ta' sħubija mal-Unjoni. L-assistenza għandha tiġi ġestita b'attenzjoni kbira fuq ir-riżultati u b'inċentivi għal dawk li juru l-impenn tagħhom li jirriformaw permezz ta' implimentazzjoni effiċjenti ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni u progress lejn l-issodisfar tal-kriterji ta' sħubija.

(15)

L-assistenza għandha tkompli tagħmel użu mill-istrutturi u l-istrumenti li ġew ipprovati tajbin fil-proċess ta' qabel l-adeżjoni. It-transizzjoni minn ġestjoni diretta mill-Kummissjoni tal-fondi ta' qabel l-adeżjoni għal ġestjoni indiretta mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I għandha tkun progressiva u konformi mal-kapaċitajiet rispettivi ta' dawk il-benefiċjarji. F'konformità mal-prinċipju ta' demokrazija parteċipattiva, is-sorveljanza parlamentari f'kull benefiċjarju elenkat fl-Anness I tal-assistenza pprovduta lil dak il-benefiċjarju għandha tiġi mħeġġa mill-Kummissjoni.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat huma relatati mad-dokumenti ta' strateġija, dokumenti ta' programmar u ma' regoli speċifiċi li jistabbilixxu tali kondizzjonijiet uniformi u għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, partikolarment in-natura ta' orjentazzjoni politika tagħhom jew l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta'eżami għandha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri fuq skala finanzjarja żgħira. Fl-istabbiliment ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont tal-esperjenza miksuba preċedentement mill-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta' assistenza ta' qabel l-adeżjoni. Dawk il-kondizzjonijiet uniformi għandhom jiġu emendati jekk l-iżviluppi jkunu jirrikjedu dan.

(17)

Il-kumitat stabbilit taħt dan ir-Regolament għandu jkun kompetenti fir-rigward ta' atti legali u impenji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, kif ukoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 (6).

(18)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu tal-applikazzjoni tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (7), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(19)

L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-IPA II, strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(20)

Ir-regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(21)

Minħabba li l-objettiv ta' dan ir-Regolament ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri iżda jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(22)

Huwa kunsiljabbli li tiġi żgurata transizzjoni bla xkiel u mingħajr interruzzjoni bejn l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) stabbilit taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, u l-IPA II u li jiġi allinjat il-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (9). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Objettiv ġenerali

L-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020 (IPA II) għandu jappoġġa lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi li huma meħtieġa minn dawk il-benefiċjarji sabiex ikunu konformi mal-valuri tal-Unjoni u biex progressivament jallinjaw ruħhom mar-regoli, l-istandards, il-politiki u l-prattiki tal-Unjoni bil-għan li jissieħbu fl-Unjoni.

Permezz ta' tali appoġġ, l-IPA II għandu jikkontribwixxi għall-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Objettivi speċifiċi

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandu jkollha l-għan li tikseb l-objettivi speċifiċi li ġejjin skont il-ħtiġijiet ta' kull wieħed mill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, kif ukoll l-aġenda individwali tagħhom rigward it-tkabbir:

(a)

appoġġ għar-riformi politiċi, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istituzzjonijiet tagħha, inkluż ġudikatura indipendenti u effiċjenti, u tal-istat tad-dritt, inkluż l-implimentazzjoni tiegħu;

(ii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, inkluż persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersess, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u t-tolleranza, kif ukoll il-libertà tal-mezzi tax-xandir u r-rispett għad-diversità kulturali;

(iii)

il-kooperazzjoni reġjonali u relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien;

(iv)

il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni, il-konsolidazzjoni tal-paċi, u l-miżuri għall-bini ta' fiduċja;

(v)

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata;

(vi)

it-tisħiħ tal-amministrazzjoni pubblika u governanza tajba fil-livelli kollha;

(vii)

miżuri għall-bini tal-kapaċitajiet għat-titjib tal-infurzar tal-liġi, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-implimentazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni, inkluż il-ġestjoni tal-flussi migratorji;

(viii)

l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

(ix)

it-titjib tad-djalogu soċjali u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali;

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali, bil-għan ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, fost l-oħrajn permezz ta':

(i)

il-kisba ta' standards tal-Unjoni fl-ekonomija, inkluż ekonomija tas-suq li taħdem, kif ukoll governanza fiskali u ekonomika;

(ii)

ir-riformi ekonomiċi meħtieġa biex jifilħu għall-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fl-Unjoni, filwaqt li jikkontribwixxu għall-kisba ta' għanijiet soċjali u ambjentali;

(iii)

il-promozzjoni tal-impjiegi u l-mobbiltà tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-iżvilupp tal-kapital uman;

(iv)

il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u ekonomika, b'mod partikolari dik tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli, inkluż il-persuni b'diżabbiltà, ir-rifuġjati u l-persuni spostati;

(v)

it-trawwim ta' sistema edukattiva inklużiva u integrata u l-preservazzjoni u l-irkupru tal-wirt kulturali;

(vi)

l-iżvilupp tal-kapital fiżiku, inkluż it-titjib tal-infrastruttura, u tal-konnessjonijiet man-netwerks tal-Unjoni u n-netwerks reġjonali;

(vii)

it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-kapaċità innovattiva;

(c)

it-tisħiħ tal-kapaċità tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I fil-livelli kollha biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija mal-Unjoni permezz ta' appoġġ tal-allinjament progressiv mal-acquis tal-Unjoni u l-adozzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu, inkluż it-tħejjija għall-amministrazzjoni tal-Fondi Strutturali, il-Fond ta' Koeżjoni, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni.

(d)

it-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali u l-kooperazzjoni territorjali li jinvolvu l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, l-Istati Membri u, fejn ikun il-każ, pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

2.   Il-progress lejn il-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-paragrafu 1 għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn ikun il-każ, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu li jkopru, fost l-oħrajn:

(a)

il-progress fl-oqsma tat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt u sistema ġudizzjarja indipendenti u effiċjenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u gruppi vulnerabbli, il-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, ir-rikonċiljazzjoni, ir-relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien u r-ritorn tar-rifuġjati, u b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' esperjenza f'dawk l-oqsma;

(b)

il-progress fir-riformi soċjoekonomiċi u fiskali, l-indirizzar tal-iżbilanċi strutturali u makroekonomiċi; is-solidità u l-effettività tal-istrateġiji ta' żvilupp soċjali u ekonomiku, il-progress lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-ħolqien ta' edukazzjoni inklużiva u integrata, taħriġ u impjiegi ta' kwalità, inkluż permezz ta' investimenti pubbliċi appoġġati mill-IPA II; il-progress lejn il-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi n-negozju;

(c)

il-progress fl-allinjament tal-korp ta' leġislazzjoni mal-acquis tal-Unjoni, inkluż rekord tal-implimentazzjoni tagħha; il-progress fir-riforma istituzzjonali relatata mal-Unjoni, inkluż transizzjoni lejn amministrazzjoni indiretta tal-assistenza pevista f'dan ir-Regolament;

(d)

il-progress fil-bini u t-tisħiħ tal-governanza tajba u l-kapaċitajiet amministrattivi, istituzzjonali u ta' assorbiment fil-livelli kollha, inkluż riżorsi umani adegwati, meħtieġa għall-adozzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni relatata mal-acquis;

(e)

l- inizjattivi ta' kooperazzjoni reġjonali u territorjali u l-evoluzzjoni tal-flussi kummerċjali.

3.   L-indikaturi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jintużaw għall-finijiet ta' monitoraġġ, valutazzjoni u analiżi tal-prestazzjoni, skont kif ikun il-każ. Ir-rapporti annwali tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 4 għandhom jitqiesu bħala punt ta' referenza fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-assistenza mill-IPA II. L-indikaturi ta' prestazzjoni rilevanti għandhom jiġu definiti u inklużi fid-dokumenti ta' strateġija u l-programmi msemmija fl-Artikoli 6 u 7 u għandhom ikunu stabbiliti b'tali mod li jippermettu li l-progress jiġi vvalutat b'mod objettiv matul iż-żmien u, fejn ikun il-każ, għal programmi differenti.

Artikolu 3

Oqsma ta' politika

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tindirizza prinċipalment l-oqsma ta' politika li ġejjin:

(a)

ir-riformi bi tħejjija għas-sħubija mal-Unjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet u l-bini tal-kapaċitajiet relatati;

(b)

l-iżvilupp soċjoekonomiku u reġjonali;

(c)

l-impjiegi, il-politiki soċjali, l-edukazzjoni, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp tar-riżorsi umani;

(d)

l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

(e)

il-kooperazzjoni reġjonali u territorjali.

2.   L-assistenza taħt l-oqsma ta' politika kollha msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tappoġġa lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex jiksbu l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2, b'mod partikolari permezz tar-riformi ta' politika, l-approssimazzjoni tal-liġijiet, il-bini tal-kapaċitajiet u l-investiment.

Fejn ikun i-każ, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-governanza tajba, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata.

3.   L-assistenza taħt l-oqsma ta' politika msemmija fil-punti (b) sa (e) tal-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, il-finanzjament tat-tipi ta' azzjonijiet previsti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), ir-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

4.   L-assistenza taħt il-qasam ta' politika msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, tista' b'mod partikolari tiffinanzja azzjonijiet li jinvolvu lil ħafna pajjiżi jew orizzontali kif ukoll azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.

Artikolu 4

Qafas għall-assistenza

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata f'konformità mal-qafas ta' politika dwar it-tkabbir iddefinit mill-Kunsill Ewropew u mill-Kunsill u għandha tieħu kont dovut tal-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u r-Rapporti ta' Progress inklużi fil-pakkett annwali tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir, kif ukoll tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni għandha tiżgura l-koerenza bejn l-assistenza u l-qafas ta' politika dwar it-tkabbir.

2.   L-assistenza għandha tkun immirata u aġġustata għas-sitwazzjoni speċifika tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I, b'kont meħud ta' sforzi oħrajn meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' sħubija kif ukoll il-kapaċitajiet ta' dawk il-benefiċjarji. L-assistenza għandha tkun differenzjata fir-rigward tal-ambitu u l-intensità skont il-ħtiġijiet, l-impenn għal riformi u l-progress fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-riformi. Hija għandha tkun diretta prinċipalment lejn l-għoti ta' għajnuna lill-benefiċjarji elenkati fl-Anness I biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi fis-settur. Il-politiki u l-istrateġiji settorjali għandhom ikunu komprensivi u għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2(1).

3.   F'konformità mal-objettivi speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 2(1), il-prijoritajiet tematiċi għall-għoti ta' assistenza skont il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I jinsabu fl-Anness II. Kull waħda minn dawk il-prijoritajiet tematiċi tista' tikkontribwixxi għall-kisba ta' iktar minn objettiv speċifiku wieħed.

4.   F'konformità mal-objettiv speċifiku li jinsab fl-Artikolu 2(1)(d), l-assistenza għandha tappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali, kemm bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I kif ukoll bejnhom u l-Istati Membri jew il-pajjiżi taħt l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (l-“ENI”, European Neighbourhood Instrument), stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014, bil-ħsieb tal-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, it-trawwim tal-integrazzjoni tal-Unjoni u l-promozzjoni tal-iżvilupp soċjoekonomiku. Il-prijoritajiet tematiċi għall-assistenza għall-kooperazzjoni territorjali jinsabu fl-Anness III.

Artikolu 5

Konformità, koerenza u komplementarjetà

1.   L-assistenza finanzjarja taħt dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-politiki tal-Unjoni. Hija għandha tikkonforma mal-ftehimiet konklużi mill-Unjoni mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u għandha tirrispetta l-impenji skont ftehimiet multilaterali li tagħhom l-Unjoni hija parti.

2.   Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-Unjoni lejn aktar trasparenza u sens ta' responsabbiltà fl-għoti ta' assistenza, inkluż permezz tal-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni dwar il-volum u l-allokazzjoni tal-assistenza, filwaqt li tiżgura li d-data tkun komparabbli internazzjonalment u li tkun tista' tiġi ppubblikata u kondiviża faċilment u jkun hemm aċċess faċli għaliha.

3.   Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom jikkooperaw biex jiżguraw koerenza u għandhom jagħmlu ħilithom biex jevitaw id-duplikazzjoni bejn l-assistenza mogħtija taħt dan ir-Regolament u assistenza oħra mogħtija mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-BEI, inkluż permezz ta' laqgħat regolari u inklużivi mmirati għall-koordinazzjoni tal-assistenza.

4.   Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-BEI għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni tal-programmi ta' assistenza rispettivi tagħhom bl-għan li tiżdied l-effettività u l-effiċjenza fl-għoti ta' assistenza u biex jiġi evitat finanzjament doppju f'konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni operazzjonali fil-qasam tal-assistenza esterna, u għall-armonizzazzjoni tal-linji ta' politika u l-proċeduri, partikolarment il-prinċipji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna. Il-koordinazzjoni tinvolvi konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' assistenza, b'mod partikolari fil-livell tal-qasam u għandha tikkostitwixxi pass ewlieni fil-proċessi ta' programmazzjoni tal-Istati Membri u l-Unjoni.

5.   Sabiex jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza fl-għoti tal-assistenza u sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura koordinazzjoni u komplementarjetà aħjar mal-organizzazzjonijiet u l-entitajiet multilaterali u reġjonali, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, l-aġenziji, il-fondi u l-programmi tan-Nazzjonijiet Uniti u d-donaturi li mhumiex parti mill-Unjoni.

6.   Fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-assistenza taħt dan ir-Regolament, fil-prinċipju, il-Kummissjoni għandha taġixxi fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I. Is-sħubija għandha tinkludi, skont kif ikun il-każ, awtoritajiet nazzjonali u lokali kompetenti, kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati rilevanti.

Il-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jissaħħu, inkluż, skont kif ikun il-każ, bħala benefiċjarji diretti tal-assistenza.

TITOLU II

IPPJANAR STRATEĠIKU

Artikolu 6

Dokumenti ta' strateġija

1.   L-assistenza taħt dan ir-Regolament għandha tingħata abbażi ta' dokumenti ta' strateġija indikattivi għal pajjiż wieħed jew għal diversi pajjiżi (id-“dokumenti ta' strateġija”), li jiġu stabbiliti għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-Unjoni għall-perijodu mill-2014 sal-2020, mill-Kummissjoni fi sħubija mal-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiddefinixxu l-prijoritajiet għall-azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi fl-oqsma ta' politika rilevanti msemmija fl-Artikolu 3, li għandhom jiġu appoġġati taħt dan ir-Regolament f'konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikoli 1 u 2 rispettivament. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu adottati f'konformità mal-qafas għall-assistenza stipulat fl-Artikolu 4 u għandhom jieħdu kont dovut tal-istrateġiji nazzjonali rilevanti.

3.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jinkludu l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi tal-Unjoni għal kull qasam ta' politika, kif applikabbli, imqassma kull sena, u għandhom jippermettu li jiġu indirizzati ħtiġijiet li jitfaċċaw, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-assistenza f'oqsma ta' politika differenti tiġi kkombinata. Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jinkludu l-indikaturi għall-valutazzjoni tal-progress fir-rigward tal-kisba tal-miri li jinsabu fihom.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija u r-rilevanza kontinwa tagħhom fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-qafas ta' politika msemmi fl-Artikolu 4. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(1) bir-riżultati ta' dik il-valutazzjoni u tista' tipproponi reviżjonijiet tad-dokumenti ta' strateġija msemmija f'dan l-Artikolu u/jew tal-programmi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1), skont il-każ. Dawk id-dokumenti ta' strateġija għandhom ukoll jiġu eżaminati f'nofs it-terminu u riveduti, skont kif ikun il-każ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta d-dokumenti ta' strateġija msemmija f'dan l-Artikolu u kwalunkwe reviżjoni tagħhom f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

TITOLU III

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 7

Programmazzjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata direttament, indirettament jew f'ġestjoni kondiviża permezz ta' programmi u miżuri kif imsemmija fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 u f'konformità ma' regoli speċifiċi li jistabbilixxu kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari rigward l-istrutturi u l-proċeduri ta' ġestjoni, li l-Kummissjoni għandha tadotta f'konformità mal-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament. L-implimentazzjoni għandha, bħala regola, tieħu l-għamla ta' programmi annwali jew pluriennali, speċifiċi għall-pajjiż jew għal diversi pajjiżi kif ukoll programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali stabbiliti f'konformità mad-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 u mfasslin mill-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament u/jew il-Kummissjoni, skont il-każ.

2.   Kwalunkwe programmazzjoni jew reviżjoni tal-programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament UE Nru 236/2014 (ir-“rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu”) għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 8

Ftehimiet qafas u ftehimiet sussidjarji

1.   Il-Kummissjoni u l-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I għandhom jikkonkludu ftehimiet qafas dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza.

2.   Il-ftehimiet sussidjarji dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza jistgħu jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji rispettivi elenkati fl-Anness I jew l-awtoritajiet ta' implimentazzjoni tagħhom, kif meħtieġ.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet trasversali

1.   F'ċirkostanzi debitament iġġustifikati u sabiex tiżgura l-koerenza u l-effettività tal-finanzjament tal-Unjoni jew biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li testendi l-eliġibbiltà tal-programmi u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 7(1) għal pajjiżi, territorji u reġjuni li f'ċirkostanzi differenti ma jkunux eliġibbli għal finanzjament skont l-Artikolu 1, meta l-programm jew il-miżura li għandha tiġi implimentata tkun ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali.

2.   Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri stabbiliti taħt dan ir-Regolament għal kooperazzjoni transkonfinali bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri. L-ammont tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-użu ta' dik il-kontribuzzjoni.

3.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II tista' tikkontribwixxi għal programmi jew miżuri ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali li jiġu stabbiliti u implimentati taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 u li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

4.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II jista' jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri ta' kooperazzjoni transkonfinali li jiġu stabbiliti u implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 u li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

5.   Fejn ikun il-każ, l-IPA II jista' jikkontribwixxi għal programmi jew miżuri li jiġu introdotti bħala parti minn strateġija makroreġjonali, u li fihom jiġu involuti l-benefiċjarji elenkati fl-Anness I.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Delega ta' setgħat

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 11 biex temenda l-Anness II ta' dan ir-Regolament. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu, u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fih, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jemenda l-Anness II ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 11

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati kif imsemmija fl-Artikolu 10 hija mogħtija lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 10 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill matul perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12

Adozzjoni ta' aktar regoli ta' implimentazzjoni

Minbarra r-regoli stipulati fir-Regolament (UE) Nru 236/2014, għandhom jiġu adottati regoli speċifiċi li jistabbilixxu kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Artikolu 13

Proċedura ta' Kumitat

1.   B'dan huwa stabbilit kumitat tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (il-“Kumitat tal-IPA II”) magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Il-Kumitat tal-IPA II għandu jassisti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-oqsma kollha ta' politika msemmija fl-Artikolu 3. Il-Kumitat tal-IPA II għandu jkollu kompetenza wkoll għall-atti legali u l-impenji taħt ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 u għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 389/2006.

Artikolu 14

Ippremjar tal-prestazzjoni

1.   Id-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 għandhom jipprovdu għal ammont adegwat ta' assistenza biex jibqa' disponibbli biex benefiċjarju individwali elenkat fl-Anness I jiġi ppremjat għal:

(a)

progress partikolari magħmul lejn is-sodisfazzjon tal-kriterji għas-sħubija; u/jew

(b)

implimentazzjoni effiċjenti tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni li permezz tagħha jinkisbu riżultati partikolarment tajbin fir-rigward tal-miri speċifiċi stabbiliti fid-dokument ta' strateġija rilevanti.

2.   Fejn il-progress li jkun sar u/jew ir-riżultati li jkunu nkisbu minn benefiċjarju elenkat fl-Anness I jibqgħu sinifikattivament taħt il-livelli maqbula stabbiliti fid-dokumenti ta' strateġija, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-allokazzjonijiet b'mod proporzjonali, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

3.   Għandu jitwarrab ammont adegwat għal finijiet tal-ippremjar imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u dan għandu jiġi allokat abbażi ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-progress tul perijodu ta' diversi snin iżda mhux aktar tard mill-2017 u l-2020, rispettivament. L-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2) u speċifikati fid-dokumenti ta' strateġija, għandhom jiġu kkunsidrati.

4.   L-allokazzjoni indikattiva tal-fondi tal-Unjoni fid-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 6 għandha tieħu kont tal-possibbiltà li l-fondi addizzjonali kkonċernati jiġu allokati abbażi tal-prestazzjoni u/jew tal-progress.

Artikolu 15

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-2014 sal-2020 huwa b'dan stabbilit għall-ammont ta' EUR 11 698 668 000 fuq il-bażi tal-prezzijiet attwali. Ammont sa 4 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat għall-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali bejn il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-Istati Membri, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tagħhom.

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-2014 sal-2020.

3.   F'konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), b'dan huwa allokat ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, jiġifieri l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), l-ENI, l-IPA II, u l-Istrument tas-Sħubija stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18) għal azzjonijiet fir-rigward ta' mobbiltà fit-tagħlim lejn jew minn pajjiżi msieħba fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 u għal kooperazzjoni u djalogu politiku ma' awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu japplika għall-użu ta' dawk il-fondi.

Il-finanzjament għandu jkun disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jkun baqa', rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandha tkun riflessa fil-programmazzjoni prevista f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti f'każ ta' ċirkustanzi maġġuri imprevisti jew bidliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 77.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 82).

(5)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 389/2006 tas-27 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi strument ta' sostenn finanzjarju għall-inkoraġġiment tal-iżvilupp ekonomiku tal-komunità Turko-Ċiprijotta u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2667/2000 dwar l-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 5).

(7)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(10)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(11)  Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289).

(12)  Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281).

(13)  Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tal-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470).

(14)  Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(15)  Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(16)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(17)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(18)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Albanija

Bosnja-Ħerzegovina

Islanda

Kosovo (*)

Montenegro

Serbja

Turkija

L-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja


(*)  L-użu ta' dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għal pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta' indipendenza tal-Kosovo.


ANNESS II

Prijoritajiet tematiċi għall-assistenza

L-assistenza tista', skont kif ikun il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

(a)

Il-konformità mal-prinċipju ta' amministrazzjoni pubblika u governanza ekonomika fis-sod. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: isaħħu l-amministrazzjoni pubblika, inkluż il-professjonalizzazzjoni u depolitiċizzazzjoni tas-servizz pubbliku, li jintegraw prinċipji ta' meritokrazija u jiżguraw proċeduri amministrattivi adegwati; isaħħu l-kapaċità ta' tisħiħ tal-istabbiltà makroekonomika u jappoġġaw il-progress lejn ekonomija tas-suq li taħdem kif ukoll ekonomija aktar kompetittiva; jappoġġaw il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu ta' sorveljanza fiskali multilaterali tal-Unjoni u kooperazzjoni sistematika mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rigward il-prinċipji fundamentali tal-politika ekonomika kif ukoll it-tisħiħ tal-amministrazzjoni finanzjarja pubblika.

(b)

L-istabbiliment u l-promozzjoni sa minn stadju bikri tal-funzjonament korrett tal-istituzzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-istat tad-dritt. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jistabbilixxu sistemi ġudizzjarji indipendenti, responsabbli u effiċjenti, inkluż sistemi ta' reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni trasparenti u bbażati fuq il-mertu u proċeduri dixxiplinari effettivi f'każijiet ta' mġiba illeċita; jiżguraw l-istabbiliment ta' sistemi robusti ta' protezzjoni tal-fruntieri, jiġġestixxu l-flussi migratorji u jipprovdu asil għal dawk fil-bżonn; jiżviluppaw għodod effettivi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi — inklużi r-Rom kif ukoll persuni lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersess — u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-mezzi tax-xandir.

(c)

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali inkluż assoċjazzjonijiet professjonali f'benefiċjarji elenkati fl-Anness I u l-inkoraġġiment ta' netwerking fil-livelli kollha fost l-organizzazzjonijiet ibbażati fl-Unjoni u dawk ta' benefiċjarji elenkati fl-Anness I, biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu effettiv mal-atturi pubbliċi u privati.

(d)

Investimenti fl-edukazzjoni, il-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jippromwovu aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità tajba fit-tfulija bikrija, fil-livell primarju u dak sekondarju; inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola; jadattaw is-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) għad-domandi tas-suq tax-xogħol; itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja; isaħħu l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, u jappoġġaw l-investimenti fl-infrastruttura tal-edukazzjoni u t-taħriġ; partikolarment bil-għan li jonqsu d-differenzi territorjali u titrawwem edukazzjoni mingħajr segregazzjoni.

(e)

Il-promozzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ għall-mobbiltà tas-suq tax-xogħol. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li jintegraw b'mod sostenibbli fis-suq tax-xogħol liż-żgħażagħ li mhumiex fl-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET), inkluż permezz ta' miżuri li jistimulaw l-investiment fil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;li jappoġġaw l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr xogħol; u li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni ogħla fis-suq tax-xogħol mill-gruppi sottorappreżentati kollha. Oqsma oħrajn ta' intervent għandhom ikunu l-appoġġ għall-ugwaljanza bejn is-sessi, l-adattament tal-ħaddiema u l-intrapriżi għall-bidla, l-istabbiliment ta' djalogu soċjali sostenibbli u l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol.

(f)

Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar. L-interventi f'dan il-qasam għandu jkollhom l-għan li: jintegraw lil komunitajiet emarġinati bħar-Rom; jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew nisel etniku, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali; u li jsaħħu l-aċċess għal servizzi li jintlaħqu minn kulħadd, sostenibbli u ta' kwalità għolja bħall-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, inkluż permezz tal-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali.

(g)

Il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-tneħħija ta' konġestjoni fl-infrastrutturi tan-netwerk prinċipali, b'mod partikolari permezz ta' investiment fi proġetti b'valur miżjud Ewropew għoli. L-investimenti identifikati għandhom jingħataw prijorità skont il-kontribut tagħhom għall-mobbiltà, is-sostenibbiltà, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, ir-rilevanza għall-konnessjonijiet mal-Istati Membri, u b'mod koerenti maż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport.

(h)

It-titjib tal-ambjent tas-settur privat u l-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, bħala muturi ewlenin għat-tkabbir, il-ħolqien tal-impjiegi u l-koeżjoni. Għandha tingħata prijorità għal proġetti li jtejbu l-ambjent tan-negozju.

(i)

It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni b'mod partikolari permezz tat-titjib tal-infrastruttura tar-riċerka, ta' ambjent favorevoli u tal-promozzjoni ta' netwerking u kollaborazzjoni.

(j)

Isir kontribut għas-sigurtà u s-sikurezza tal-provvista alimentari u ż-żamma ta' sistemi ta' biedja diversifikati u vijabbli f'komunitajiet rurali vibranti u fil-kampanja.

(k)

Tiżdied il-kapaċità tas-settur agroalimentari sabiex ilaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq kif ukoll sabiex jallinja ruħu progressivament mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni, filwaqt li jfittex li jikseb l-għanijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali fi żvilupp territorjali bbilanċjat taż-żoni rurali.

(l)

Il-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent, kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra, iż-żieda fir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u l-promozzjoni tal-governanza u informazzjoni relatati mal-azzjoni klimatika. Il-finanzjament mill-IPA II għandu jippromwovi l-politiki b'appoġġ għat-tibdil lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, sikura u sostenibbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

(m)

Il-promozzjoni ta' miżuri ta' rikonċiljazzjoni, konsolidazzjoni tal-paċi u għal bini ta' fiduċja.


ANNESS III

Prijoritajiet tematiċi għal assistenza għal kooperazzjoni territorjali

L-assistenza għal kooperazzjoni transkonfinali tista', skont kif ikun il-każ, tindirizza l-prijoritajiet tematiċi li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-Impjiegi, il-mobbiltà tas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali u kulturali b'mod transkonfinali, permezz inter alia ta': l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol transkonfinali, inkluż il-mobbiltà transkonfinali; inizjattivi lokali konġunti favur l-impjiegi; informazzjoni u servizzi konsultattivi u taħriġ konġunt; ugwaljanza bejn is-sessi; opportunitajiet indaqs; integrazzjoni tal-komunitajiet tal-immigranti u l-gruppi vulnerabbli; investimenti għal servizzi ta' impjieg pubbliku; u l-appoġġ tal-investiment fis-saħħa pubblika u s-servizzi soċjali;

(b)

il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji, fost l-oħrajn permezz ta': azzjonijiet konġunti għal protezzjoni ambjentali; il-promozzjoni tal-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u t-tibdil lejn ekonomija sikura u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju; il-promozzjoni ta' investiment biex jiġu indirizzati riskji speċifiċi, l-iżgurar ta' reżiljenza għad-diżastri u l-iżvilupp ta' sistemi għall-ġestjoni ta' diżastri u tħejjija f'każijiet ta' emerġenza;

(c)

il-promozzjoni ta' trasport sostenibbli u t-titjib fl-infrastrutturi pubbliċi permezz inter alia ta': tnaqqis tal-iżolament permezz ta' aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-netwerks u s-servizzi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-investiment f'sistemi u faċilitajiet transkonfinali ta' ilma, skart u enerġija;

(d)

l-inkoraġġiment tat-turiżmu u l-patrimonju kulturali u naturali;

(e)

l-investiment fiż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-ħiliet permezz inter alia tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' edukazzjoni konġunta, taħriġ vokazzjonali, skemi ta' taħriġ u infrastruttura li tappoġġa l-attivitajiet konġunti favur iż-żgħażagħ;

(f)

il-promozzjoni ta' governanza lokali u reġjonali u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-ippjanar u amministrattiva ta' awtoritajiet lokali u reġjonali;

(g)

it-tisħiħ tal-kompetittività, l-ambjent tan-negozju u l-iżvilupp ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, kummerċ u investiment fost l-oħrajn permezz ta': promozzjoni u appoġġ għall-intraprenditorija, b'mod partikolari l-intrarpriżi żgħar u ta' daqs medju, u l-iżvilupp ta' swieq transkonfinali lokali u l-internazzjonalizzazzjoni;

(h)

it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni permezz inter alia ta': promozzjoni tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u l-faċilitajiet għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku.

Il-fondi tal-IPA II jistgħu wkoll jiffinanzjaw, skont kif ikun il-każ, il-parteċipazzjoni ta' benefiċjarji elenkati fl-Anness I fi programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali taħt is-sostenn mill-FEŻR għall-mira tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u fi programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali taħt l-ENI. F'dawk il-każijiet, l-ambitu tal-assistenza għandu jiġi stabbilit f'konformità mal-qafas regolatorju tal-istrument rilevanti (li jkun jew il-FEŻR jew l-ENI).


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament tal-programmi orizzontali għall-minoranzi

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-punt (ii) tal-punt (a) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti l-finanzjament ta' programmi mmirati lejn it-tisħiħ tar-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom f'konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen, kif kien il-każ skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006 tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA).


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta' atti ta' implementazzjoni għat-twaqqif ta' provvedimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti regoli fir-Regolament Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u regoli ta' implimentazzjoni oħrajn speċifiċi u aktar dettaljati fir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), għandhom l-għan li jissupplimentaw l-att bażiku u għaldaqstant għandhom ikunu atti delegati li għandi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tiftakar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-“bijoċidi”.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihomx referenza espliċita għall-possibbiltà li jissospendu l-assistenza f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar il-Benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) juża t-terminu “il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I” matul it-test kollu. Il-Parlament Ewropew iqis li dan it-terminu japplika għall-pajjiżi.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/27


REGOLAMENT (UE) Nru 232/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) bħala wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ dirett għall-politika esterna tal-Unjoni Ewropea. Huwa jieħu post ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li skada fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

L-Artikolu 8 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżviluppa relazzjoni privileġġjata mal-pajjiżi ġirien tagħha, bil-ħsieb li tistabbilixxi żona ta' prosperità u ta' relazzjonijiet tajbin bejn il-ġirien, ibbażata fuq il-valuri ta' l-Unjoni u karatterizzata minn relazzjonijiet mill-qrib u paċifiċi li jserrħu fuq il-kooperazzjoni.

(3)

Taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), l-Unjoni toffri lill-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat relazzjoni privileġġata, li tibni fuq impenn reċiproku għal u l-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji ta' ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv. Hija [il-Politika Ewropea tal-Viċinat] tipprovdi wkoll, fejn adatt, qafas għat-tisħiħ tal-mobbiltà u l-kuntatti fost il-persuni, partikolarment permezz tal-faċilitazzjoni tal-viżi u l-ftehimiet ta' riammissjoni, u, skont il-każ, permezz tal-liberalizzazzjoni tal-viżi.

(4)

Mit-tnedija tagħha 'l hawn, il-PEV saħħet ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab u ġabet benefiċċji tanġibbli kemm għall-Unjoni kif ukoll għal sħabha, inkluża t-tnedija tal-inizjattivi reġjonali u l-appoġġ għad-demokratizzazzjoni fil-Viċinat Ewropew. Għadd ta' żviluppi ewlenin fil-Viċinat Ewropew taw spunt għal reviżjoni strateġika komprensivatal- PEV fl-2011. Ir-reviżjoni tipprevedi, fost l-oħrajn, appoġġ akbar għas-sħab impenjati li jibnu soċjetajiet demokratiċi u li jwettqu riformi f'konformità mal-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi (“aktar għal aktar”) u l-prinċipju ta' “responsabbiltà reċiproka”, sħubija mas-soċjetajiet u approċċ aktar differenzjat u mfassal apposta lejn il-pajjiżi sħab individwali. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi rabtiet ċari bejn il-qafas tal-PEV u l-appoġġ li għandu jingħata taħt dan ir-Regolament.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jappoġġa l-implimentazzjoni ta' inizjattivi politiċi li fasslu l-PEV: is-Sħubija tal-Lvant bejn l-Unjoni u l-ġirien tal-lvant tagħha, is-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża u l-Unjoni għall-Mediterran fil-viċinat tan-nofsinhar. Dawk l-inizjattivi huma kollha strateġikament importanti u joffru oqfsa politiċi ta' importanza ugwali għall-approfondiment tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi sħab u fosthom, ibbażati fuq il-prinċipji ta' responsabbiltà reċiproka, sjieda u responsabbiltà kondiviżi. Dan ir-Regolament għandu jappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat Ewropew kollu, fost l-oħrajn fil-qafas tal-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana jew is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, kif ukoll, primarjament fil-każ tal-kooperazzjoni transkonfinali, l-aspetti esterni tal-istrateġiji makroreġjonali.

(6)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu segwiti bl-involviment xieraq tal-imsieħba ta' azzjoni esterna, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali, fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-appoġġ tal-Unjoni, minħabba l-importanza tar-rwoli tagħhom. Dan ir-Regolament għandu jappoġġja wkoll it-tisħiħ tal-kapaċità ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiggarantixxu responsabbiltà domestika effettiva u sjieda lokali, u biex ikollhom rwol sħiħ fil-proċess ta' demokratizzazzjoni.

(7)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi l-istatus speċifiku tal-Federazzjoni Russa kemm bħala ġar tal-Unjoni kif ukoll bħala sieħeb strateġiku fir-reġjun.

(8)

L-appoġġ kemm taħt dan ir-Regolament kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu jiġi pprovdut għall-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri, minn naħa waħda, u l-pajjiżi sħab u/jew il-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (“pajjiżi oħrajn li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali”) fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu promossi l-iżvilupp reġjonali integrat u sostenibbli u l-kooperazzjoni bejn reġjuni ġirien li għandhom fruntieri komuni u integrazzjoni territorjali armonjuża fl-Unjoni kollha u mal-pajjiżi ġirien. Biex tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti tal-kooperazzjoni transkonfinali, huwa importanti li l-proċeduri jiġu armonizzati ma' dawk fil-kuntest tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, fejn applikabbli.

(9)

Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi promossa u ffaċilitata kooperazzjoni bejn -Unjoni u sħabha u pajjiżi parteċipanti oħrajn, għall-benefiċċju komuni tagħhom partikolarment permezz tal-aħjar koordinazzjoni u l-koordinazzjoni l-aktar effettiva tar-riżorsi pprovduti u l-ġbir ta' kontribuzzjonijiet minn strumenti interni u esterni tal-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-kooperazzjoni transkonfinali u proġetti ta' kooperazzjoni reġjonali, proġetti infrastrutturali ta' interess għall-Unjoni li jinvolvu lill-pajjiżi ġirien, u oqsma oħrajn ta' kooperazzjoni.

(10)

L-unitajiet territorjali tul il-fruntieri li jappartjenu lill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-unitajiet territorjali rilevanti fil-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) għandhom ukoll ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali. Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi taż-ŻEE fil-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandha tibqa' tkun bbażata fuq ir-riżorsi proprji tagħhom.

(11)

Huwa previst li l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u pajjiżi parteċipanti oħra li jieħdu sehem fil-kooperazzjoni transkonfinali u fil-kooperazzjoni reġjonali jipprovdu kofinanzjament. Dan ser isaħħaħ is-sjieda mill-pajjiżi, iżid ir-riżorsi finanzjarji għad-dispożizzjoni tal-programmi u jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' partijiet interessati lokali.

(12)

Għall-fini tal-armonizzazzjoni tat-terminoloġija użata f'dan ir-Regolament ma' dik tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, id-dokumenti ta' implimentazzjoni għal programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandhom jissejħu programmi operazzjonali konġunti.

(13)

L-appoġġ li għandu jingħata lill-pajjiżi ġirien fi ħdan il-qafas stabbilit permezz tal-PEV għandu jkun koerenti mal-objettivi u l-prinċipji tal-politiki esterni tal-Unjoni u, b'mod partikolari, il-politika ta' żvilupp tagħha u l-politika estera u ta' sigurtà komuni. Għandha tiġi żgurata wkoll il-koerenza mad-dimensjonijiet esterni tal-politiki u l-istrumenti interni tal-Unjoni.

(14)

L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti għall-azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-ENI, strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(15)

L-Istrateġija Konġunta UE-Afrika hi ta' rilevanza għar-relazzjonijiet mal-ġirien Mediterranji mill-Afrika ta' Fuq.

(16)

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu l-koerenza, l-effettività u l-komplementarjetà tal-politiki rispettivi tagħhom dwar il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien. Sabiex ikun żgurat li l-kooperazzjoni tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin, jixraq li tkun prevista programmazzjoni konġunta, li għandha tkun implimentata kull meta jkun possibbli u rilevanti. Għandhom jiġu żgurati wkoll kooperazzjoni u koordinazzjoni xierqa ma' donaturi oħra li mhumiex tal-Unjoni.

(17)

L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu fil-prinċipju jiġi allinjat mal-strateġiji u l-miżuri nazzjonali jew lokali korrispondenti tal-pajjiżi sħab u, fejn rilevanti, ma' dawk tal-Federazzjoni Russa wkoll.

(18)

Il-Kummissjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli billi tuża l-istrumenti finanzjarji b'effett ta' lieva. Tali effett jista' jiżdied jekk il-fondi investiti u ġġenerati minn strumenti finanzjarji ikunu jistgħu jintużaw u jintużaw mill-ġdid.

(19)

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hi waħda mill-isfidi l-kbar li qed tiffaċċja l-Unjoni u hija meħtieġa azzjoni internazzjonali urġenti. F'konformità mal-intenzjoni ddikjarata fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata ’Baġit għall-Ewropa 2020’ li jiżdied il-proporzjon tal-baġit tal-Unjoni relatat mal-klima għal mill-inqas 20 %, dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi biex dak il-għan jintlaħaq.

(20)

Qafas stabbli għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fil-qasam tal-enerġija u r-riżorsi, konsistenti mar-regoli tal-Unjoni dwar is-suq intern, jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Unjoni f'dak il-qasam.

(21)

L-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi huma objettivi trasversali fl-azzjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament.

(22)

F'relazzjonijiet ma' sħabha fid-dinja kollha, l-Unjoni hija impenjata li tippromwovi xogħol deċenti u ġustizzja soċjali, u r-ratifika u l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, inkluż l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal, u l-ftehimiet ambjentali multilaterali.

(23)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu tal-applikazzjoni tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza primarja, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba, għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(24)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tal-infiq kollu, inkluż il-prevenzjoni, is-sejba u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u, fejn adatt, l-impożizzjoni ta' pieni. Dawk il-miżuri għandhom jitwettqu f'konformità mal-ftehimiet applikabbli konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(25)

Sabiex jiġi adattat l-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emenda tal-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal kull tip ta' programm. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa tul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(26)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, is-setgħat tal-implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni.

(27)

Is-setgħat ta' implimentazzjoni relatati mal-oqfsa ta' appoġġ uniku pluriennali, mad-dokumenti oħra ta' programmazzjoni u regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(28)

Il-proċedura ta' eżami għandha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni ta' tali atti ta' implimentazzjoni, minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari tal-orjentazzjoni tal-politika tagħhom jew l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri fuq skala finanzjarja żgħira.

(29)

Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna. Ir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(30)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (8).

(31)

Fil-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat, fejn l-allinjament mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni huwa wieħed mill-objettivi ta' politika ewlenin, l-Unjoni hija fl-aħjar pożizzjoni biex twassal l-appoġġ tagħha taħt dan ir-Regolament. Ċertu appoġġ speċifiku jista' jingħata biss fil-livell tal-Unjoni. L-esperjenza tat-transizzjoni tal-Istati Membri tal-UE tista' tikkontribwixxi wkoll għas-suċċess tar-riformi fil-pajjiżi Ewropej tal-Viċinat u għall-promozzjoni ta' valuri universali fil-Viċinat Ewropew.

(32)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(33)

Huwa xieraq li l-perijodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (9). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

OBJETTIVI U PRINĊIPJI

Artikolu 1

Objettiv ġenerali u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI) bil-għan li jsir aktar progress lejn żona ta' prosperità kondiviża u ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien li tinvolvi lill-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji elenkati fl-Anness I (“il-pajjiżi sħab”) permezz tal-iżvilupp ta' relazzjoni speċjali bbażata fuq il-kooperazzjoni, il-paċi u s-sigurtà, ir-responsabbiltà reċiproka u impenn kondiviż lejn il-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mat-TUE.

2.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jintuża għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab u r-reġjuni involuti fil-kooperazzjoni transkonfinali. Dan jista' jintuża wkoll għall-benefiċċju komuni tal-Unjoni u l-pajjiżi sħab.

3.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament jista' jintuża wkoll bil-għan li jippermetti lill-Federazzjoni Russa tipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali u fil-kooperazzjoni reġjonali bil-parteċipazzjoni tal-UE u fi programmi rilevanti għal diversi pajjiżi, inkluż fil-kooperazzjoni rigward l-edukazzjoni, b'mod partikolari l-iskambji tal-istudenti.

4.   L-Unjoni tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-valuri tal-libertà, id-demokrazija, l-universalità u l-indiviżibbiltà ta' u r-rispett għal, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-prinċipji ta' ugwaljanza u l-istat tad-dritt, li fuqhom ġiet ibbażata l-Unjoni, permezz ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u f'konformità mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, il-finanzjament skont dan ir-Regolament għandu jikkonforma ma' dawk il-valuri u l-prinċipji, kif ukoll mal-impenji tal-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, b'kont meħud tal-politiki u l-pożizzjonijiet rilevanti tal-UE.

Artikolu 2

Objettivi speċifiċi tal-appoġġ tal-Unjoni

1.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jiffoka fuq il-promozzjoni ta' kooperazzjoni politika mtejba, demokrazija profonda u sostenibbli, integrazzjoni ekonomika progressiva u sħubija msaħħa mas-soċjetajiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab u, b'mod partikolari, l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni, ftehimiet ta' assoċjazzjoni jew ftehimiet oħrajn eżistenti u futuri, u pjanijiet ta' azzjoni maqbula b'mod konġunt jew dokumenti ekwivalenti.

2.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jimmira b'mod partikolari:

(a)

il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-prinċipji tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, l-istabbiliment ta' demokrazija profonda u sostenibbli, il-promozzjoni ta' governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali fil-livelli kollha u l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ta' suċċess inklużi l-imsieħba soċjali;

(b)

il-kisba ta' integrazzjoni progressiva fis-suq intern tal-Unjoni u kooperazzjoni settorjali u transsettorjali mtejba inkluż permezz tal-approssimazzjoni leġislattiva u l-konverġenza regolatorja lejn standards tal-Unjoni u oħrajn internazzjonali rilevanti u aċċess aħjar għas-suq inkluż permezz ta' oqsma profondi u komprensivi ta' kummerċ ħieles, il-bini ta' istituzzjonijiet u investimenti relatati, partikolarment fl-interkonnessjonijiet;

(c)

il-ħolqien ta' kondizzjonijiet għal titjib fl-organizzazzjoni tal-migrazzjoni legali u l-promozzjoni ta' mobbiltà ta' persuni ġestita tajjeb, għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet eżistenti jew futuri konklużi f'konformità mal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobbilità, u għall-promozzjoni ta' kuntatti fost il-persuni, b'mod partikolari b'rabta ma' attivitajiet kulturali, edukattivi, professjonali u sportivi;

(d)

appoġġ għal żvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-aspetti kollha; it-tnaqqis tal-faqar, inkluż permezz tal-iżvilupp tas-settur privat u t-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali; il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fix-xjenza, l-edukazzjoni u b'mod partikolari l-edukazzjoni għolja, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni; il-promozzjoni ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali interna; it-trawwim tal-iżvilupp rurali; is-saħħa pubblika; u s-sostenn tal-protezzjoni ambjentali, l-azzjoni klimatika u r-reżiljenza għad-diżastri;

(e)

il-promozzjoni ta' bini tal-fiduċja, relazzjonijiet tajbin fost il-ġirien u miżuri oħrajn li jikkontribwixxu għas-sigurtà fil-forom kollha tagħha u l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tat-tilwim, inklużi l-konflitti fit-tul;

(f)

it-titjib tal-kollaborazzjoni subreġjonali, reġjonali u fil-Viċinat Ewropew kollu kif ukoll tal-kooperazzjoni transkonfinali.

3.   Il-kisba tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi mkejla, partikolarment, bl-użu tar-rapporti perjodiċi rilevanti tal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tal-PEV; għall-punti (a), (d) u (e) tal-paragrafu 2, l-indikaturi rilevanti stabbiliti minn organizzazzjonijiet internazzjonali u entitajiet rilevanti oħra; għall-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2, sa liema punt ġie applikat il-qafas regolatorju tal-Unjoni mill-pajjiżi sħab, skont kif ikun il-każ; u għall-punti (c) u (f) tal-paragrafu 2, in-numru ta' ftehimiet u azzjonijiet ta' kooperazzjoni rilevanti.

L-indikaturi użati biex titkejjel il-kisba tal-objettivi speċifiċi għandhom ikunu predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiżi u li jistgħu jitkejlu, u għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, elezzjonijiet demokratiċi mmonitorjati adegwatament, rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ġudikatura indipendenti, kooperazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet marbutin mal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, il-livell ta' korruzzjoni, flussi kummerċjali, ugwaljanza bejn is-sessi u indikaturi li jippermettu li jiġu mkejla d-differenzi ekonomiċi interni, inklużi l-livelli ta' impjieg.

4.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament jista' jintuża wkoll f'oqsma rilevanti oħra meta dan ikun konsistenti mal-objettivi ġenerali tal-PEV.

Artikolu 3

Qafas ta' politika

1.   Il-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni, il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni u ftehimiet oħra eżistenti jew futuri li jistabbilixxu relazzjoni mal-pajjiżi sħab, komunikazzjonijiet korrispondenti tal-Kummissjoni, konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, u konklużjonijiet tal-Kunsill, kif ukoll dikjarazzjonijiet rilevanti ta' summits jew konklużjonijiet ta' laqgħat ministerjali mal-pajjiżi sħab tal-PEV inkluż fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran, u wkoll riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew, għandhom, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' sjieda, għandhom jikkostitwixxu l-qafas ta' politika ġenerali ta' dan ir-Regolament għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

2.   Il-punti ewlenin ta' referenza sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament u għall-valutazzjoni tal-progress kif imsemmi fl-Artikolu 2(3) għandhom ikunu: il-pjani ta' azzjoni jew dokumenti ekwivalenti oħra maqbula b'mod konġunt bħall-aġendi ta' assoċjazzjoni bejn il-pajjiżi sħab u l-Unjoni f'formati bilaterali u multilaterali, inkluż, kif rilevanti, fis-Sħubija tal-Lvant u d-dimensjoni tan-nofsinhar tal-PEV.

3.   Fejn ma jkunx hemm ftehimiet, kif stabbilit fil-paragrafu 1, bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab, l-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament jista' jingħata meta jirriżulta li jkun utli sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni, u għandu jiġi pprogrammat abbażi ta' tali objettivi, b'kont meħud tal-ħtiġijiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Artikolu 4

Differenzjazzjoni, sħubija u kofinanzjament

1.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament pprovdut lil kull pajjiż sieħeb skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) għandu jkun ibbażat fuq inċentivi u differenzjat fil-forma u l-ammonti, filwaqt li jqis l-elementi kollha elenkati hawn taħt, li jirriflettu l-elementi li ġejjin tal-pajjiż sieħeb:

(a)

il-ħtiġijiet tal-pajjiż sieħeb, bl-użu ta' indikaturi bħall-popolazzjoni u l-livell ta' żvilupp;

(b)

l-impenn lejn u l-progress fl-implimentazzjoni ta' objettivi ta' riforma politika, ekonomika u soċjali maqbula reċiprokament;

(c)

l-impenn tiegħu lejn il-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli u l-progress li jsir fih;

(d)

is-sħubija mal-Unjoni, inkluż il-livell ta' ambizzjoni għal dik is-sħubija;

(e)

il-kapaċità ta' assorbiment u l-impatt potenzjali tal-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament.

Tali appoġġ għandu jiġi rifless fid-dokumenti ta' programmazzjoni pluriennali msemmija fl-Artikolu 7.

2.   Wara l-adozzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni speċifikati fl-Artikolu 7, u mingħajr preġudizzju għall-elementi l-oħra deskritti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, is-sehem ta' riżorsi disponibbli offruti lill-pajjiżi sħab għandu jiġi adattat primarjament skont il-progress li jagħmlu fil-bini u l-konsolidazzjoni ta' demokrazija profonda u sostenibbli u fl-implimentazzjoni ta' objettivi ta' riforma politika, ekonomika u soċjali maqbula, f'konformità mal-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi.

Għall-programmi umbrella għal diversi pajjiżi, dak is-sehem għandu jkun iddeterminat skont il-progress magħmul mill-pajjiżi sħab fil-bini ta' demokrazija profonda u sostenibbli, filwaqt li jitqies ukoll il-progress tagħhom fl-implimentazzjoni ta' objettivi ta' riforma maqbula li jikkontribwixxu għall-kisba dik il-mira.

Il-progress tal-pajjiżi sħab għandu jiġi vvalutat regolarment, b'mod partikolari permezz ta' rapporti ta' progress tal-PEV li jinkludu x-xejriet meta mqabbla mas-snin preċedenti.

L-appoġġ jista' jiġi kkunsidrat mill-ġdid fil-każ ta' rigressjoni serja jew persistenti.

3.   Dan l-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi m'għandux japplika għall-appoġġ tas-soċjetà ċivili, il-kuntatti bejn il-persuni, inkluż il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet lokali, l-appoġġ għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem, jew miżuri ta' appoġġ marbutin ma' kriżijiet. Fil-każ ta' rigressjoni serja jew persistenti, dan l-appoġġ jista' jiżdied.

4.   L-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi taħt dan ir-Regolament għandu jkun is-suġġett ta' skambju regolari ta' fehmiet fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill.

5.   L-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, jiġi stabbilit fi sħubija mal-benefiċjarji. Dik is-sħubija għandha tinvolvi, kif xieraq, lill-partijiet interessati li ġejjin fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-appoġġ tal-Unjoni:

(a)

l-awtoritajiet nazzjonali u lokali; u

(b)

l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili,

inkluż permezz ta' konsultazzjoni u l-aċċess f'waqtu għall-informazzjoni rilevanti li jippermettulhom li jkollhom rwol sinifikanti f'dak il-proċess.

6.   L-appoġġ tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu, fil-prinċipju, ikun kofinanzjat mill-pajjiżi sħab u pajjiżi parteċipanti oħrajn permezz ta' fondi pubbliċi, kontribuzzjonijiet mill-benefiċjarji jew sorsi oħrajn. Tista' ssir deroga mir-rekwiżiti ta' kofinanzjament f'każijiet debitament ġustifikati u fejn meħtieġa sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u ta' atturi mhux statali, speċjalment organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq skala żgħira, mingħajr preġudizzju għall-konformità ma' kondizzjonijiet oħrajn stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

Artikolu 5

Koerenza u koordinazzjoni tad-donaturi

1.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandha tiġi żgurata koerenza mal-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif ukoll ma' politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni. Għal dak il-għan, il-miżuri ffinanzjati skont dan ir-Regolament, inklużi dawk ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandhom ikunu bbażati fuq id-dokumenti tal-politika ta' kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) kif ukoll fuq l-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni. Tali miżuri għandhom jirrispettaw l-impenji skont il-ftehimiet multilaterali u l-konvenzjonijiet internazzjonali li l-Unjoni u l-pajjiżi sħab jagħmlu parti minnhom.

2.   L-Unjoni, l-Istati Membri u l-BEI għandhom jiżguraw il-koerenza bejn l-appoġġ ipprovdut skont dan ir-Regolament u appoġġ ieħor ipprovdut mill-Unjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej.

3.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-programmi ta' appoġġ rispettivi tagħhom bil-għan li jżidu l-effikaċja u l-effiċjenza rigward l-għoti tal-appoġġ u d-djalogu politiku u l-prevenzjoni tad-duplikazzjoni tal-finanzjament, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti għat-tisħiħ tal-koordinament operazzjonali fil-qasam tal-appoġġ estern u għall-armonizzazzjoni tal-politiki u l-proċeduri. Il-koordinament għandu jinvolvi konsultazzjonijiet regolari u skambji frekwenti ta' informazzjoni rilevanti matul il-fażijiet differenti taċ-ċiklu ta' appoġġ, b'mod partikolari fil-livell tal-qasam ikkonċernat. Il-programmazzjoni konġunta għandha tiġi implimentata kull meta jkun possibbli u rilevanti. Meta dan ma jkunx jista' jinkiseb, għandhom jiġu kkunsidrati arranġamenti oħrajn, bħal kooperazzjoni ddelegata u arranġamenti rigward it-trasferiment, bl-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell ta' koordinazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar il-programmazzjoni konġunta mal-Istati Membri fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet fil-każijiet, fejn il-programmazzjoni konġunta ma tkunx intlaħqet kompletament.

4.   L-Unjoni għandha, flimkien mal-Istati Membri, tieħu l-passi meħtieġa, inklużi konsultazzjonijiet fi stadju bikri tal-proċess ta' programmazzjoni, biex tiżgura komplementarjetà, koordinazzjoni u kooperazzjoni tajba ma' organizzazzjonijiet u entitajiet multilaterali u reġjonali, inkluż istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej, istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, aġenziji, fondi u programmi tan-Nazzjonijiet Uniti, fondazzjonijiet privati u politiċi u donaturi mhux tal-Unjoni.

5.   Id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 7(2) u (3) għandhom ukoll, sa fejn possibbli, jirreferu għall-attivitajiet ta' donaturi oħra tal-Unjoni.

TITOLU II

PROGRAMMAZZJONI INDIKATTIVA U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 6

Tipi ta' programmi

1.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jkun ipprogrammat permezz ta':

(a)

programmi bilaterali li jkopru l-appoġġ tal-Unjoni għal pajjiż sieħeb wieħed;

(b)

programmi għal diversi pajjiżi li jindirizzaw sfidi komuni għall-pajjiżi sħab kollha jew għadd minnhom, abbażi tal-prijoritajiet tas-Sħubija tal-Lvant u d-dimensjoni tan-nofsinhar tal-PEV u b'kont meħud tal-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-Unjoni għall-Mediterran, u kooperazzjoni reġjonali u subreġjonali, primarjament bejn żewġ pajjiżi sħab jew aktar, inkluż ukoll fil-qafas tad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Din tista' tinvolvi l-Federazzjoni Russa f'konformità mal-Artikolu 1(3);

(c)

programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali li jindirizzaw il-kooperazzjoni bejn Stat Membru wieħed jew aktar minn naħa waħda u pajjiż sieħeb wieħed jew aktar u/jew il-Federazzjoni Russa (’pajjiżi oħrajn li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali’) min-naħa l-oħra li jseħħu fil-parti kondiviża tagħhom tal-fruntiera esterna tal-Unjoni.

2.   Il-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament jinsabu fl-Anness II.

3.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014 u, għall-programmi msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament, f'konformità wkoll mar-regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali kif imsemmi fl-Artikolu 12 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Programmazzjoni u allokazzjoni indikattiva ta' fondi għal programmi indikattivi għall-pajjiż jew għal għadd ta' pajjiżi

1.   L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għall-programmi għall-pajjiżi għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-kriterji li jinsabu fl-Artikoli 4(1).

2.   Għall-pajjiżi li għalihom jeżistu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, ser ikun adottat qafas ta' appoġġ uniku pluriennali komprensiv f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) (UE) Nru 236/2014. Dak il-qafas għandu:

(a)

jirrevedi l-progress li jkun sar rigward il-qafas ta' politika u l-kisba ta' objettivi maqbula minn qabel u jieħu kont tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta' relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-pajjiż sieħeb, inkluż il-livell ta' ambizzjoni għas-sħubija tal-pajjiż sieħeb mal-Unjoni;

(b)

jistabbilixxi l-objettivi u l-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni, primarjament magħżula minn dawk inklużi fid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament u fl-istrateġiji jew il-pjanijiet tal-pajjiżi sħab fejn dawk l-istrateġiji jew pjani jkunu konsistenti mal-qafas politiku ġenerali, u li għalihom il-valutazzjoni regolari tal-Unjoni tkun uriet il-ħtieġa għal appoġġ;

(c)

jindika r-riżultati mistennija; u

(d)

jistabbilixxi l-livell indikattiv ta' finanzjament, imqassam skont il-prijorità.

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għal kull qafas ta' appoġġ uniku għandhom jingħataw fil-forma ta' firxa ta' mhux aktar minn 20 % ta' dawk l-allokazzjonijiet.

Id-durata ta' qafas ta' appoġġ uniku għandha fil-prinċipju tikkorrispondi għad-durata tad-dokument rilevanti msemmi fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament.

3.   Għall-pajjiżi li għalihom ma jkunux jeżistu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, ser jiġi adottat dokument komprensiv ta' programmazzjoni li jinkludi strateġija u programm indikattiv pluriennali f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Id-dokument għandu:

(a)

jiddefinixxi strateġija għar-rispons tal-Unjoni fuq il-bażi ta' analiżi tas-sitwazzjoni tal-pajjiż ikkonċernat, tar-relazzjonijiet tiegħu mal-Unjoni, u tal-istrateġiji jew il-pjanijiet tal-pajjiżi sħab fejn dawk l-istrateġiji jew pjani jkunu konsistenti mal-qafas globali tal-politika;

(b)

jistabbilixxi l-objettivi u l-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni;

(c)

jindika r-riżultati mistennija; u

(d)

jistabbilixxi l-livell indikattiv ta' finanzjament, imqassam skont il-prijorità.

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi ta' akkumpanjament għandhom jingħataw fil-forma ta' firxa ta' mhux aktar minn 20 % ta' dawk l-allokazzjonijiet. Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jkun ta' tul pluriennali adatt.

4.   Għal programmi għal diversi pajjiżi, għandu jiġi adottat dokument komprensiv ta' programmazzjoni li jinkludi strateġija u programm indikattiv pluriennali f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Huwa għandu:

(a)

jistabbilixxi l-objettivi u l-prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni lejn ir-reġjun jew is-subreġjun, filwaqt li jirrifletti fejn ikun applikabbli l-prijoritajiet deċiżi fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant jew tal-Unjoni għall-Mediterran;

(b)

jindika r-riżultati mistennija; u

(c)

jistabbilixxi l-livell indikattiv ta' finanzjament, imqassam skont il-prijorità.

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi għall-programmi għal diversi pajjiżi għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta' kriterji trasparenti u oġġettivi.

Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jkollu tul pluriennali adegwat.

5.   Id-dokumenti tal-qafas ta' appoġġ uniku għandhom jiġu eżaminati fejn meħtieġ, inkluż fid-dawl tar-rapporti perjodiċi rilevanti tal-UE u filwaqt li jittieħed kont tal-ħidma tal-korpi konġunti stabbiliti skont il-ftehimiet mal-pajjiżi sħab, u jistgħu jiġu riveduti f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Id-dokumenti ta' programmazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu eżaminati f'nofs il-perijodu tagħhom jew kull meta jkun meħtieġ, u jistgħu jkunu riveduti f'konformità mal-istess proċedura.

6.   Biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq l-inċentivi msemmi fl-Artikolu 4(2), ammont fil-limiti ta'approssimament 10 % tal-pakkett finanzjarju stabbilit fl-Artikolu 17(1) għandu jiġi allokat lill-programmi umbrella għal diversi pajjiżi li ser jissupplimentaw l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-pajjiżi msemmijin fl-Artikolu 7(2) u (3). Id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu dawk il-programmi umbrella għandhom jispeċifikaw il-pajjiżi li jistgħu jirċievu l-allokazzjonijiet, fejn l-allokazzjonijiet effettivi jiġu deċiżi sussegwentement abbażi tal-progress li jkun sar lejn demokrazija profonda u sostenibbli u l-implimentazzjoni ta' objettivi ta' riforma maqbula li jikkontribwixxu għall-kisba ta' dak il-għan.

7.   Meta jkun meħtieġ li jiġu implimentati b'mod aktar effettiv miżuri għall-benefiċċju komuni tal-Unjoni u l-pajjiżi sħab, f'oqsma bħall-kooperazzjoni transnazzjonali u l-interkonnessjonijiet, il-finanzjament skont dan ir-Regolament jista' jinġabar flimkien mal-finanzjament taħt Regolamenti rilevanti oħra tal-Unjoni. F'dik l-eventwalità, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar liema sett uniku ta' regoli għandu japplika għall-implimentazzjoni.

8.   L-Istati Membri għandhom jiġu involuti fil-proċess ta' programmazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament Nru 236/2014. Dawk l-Istati Membri u donaturi oħra li impenjaw ruħhom li jipprogrammaw b'mod konġunt l-appoġġ tagħhom mal-Unjoni għandhom jiġu involuti partikolarment mill-qrib. Id-dokumenti ta' programmazzjoni jistgħu jkopru wkoll il-kontribut tagħhom, kif adatt.

9.   Fejn l-Istati Membri u donaturi oħra jkunu impenjaw ruħhom li jipprogrammaw l-appoġġ tagħhom b'mod konġunt, dokument ta' programmazzjoni pluriennali konġunt jista' jissostitwixxi l-qafas ta' appoġġ uniku u d-dokumenti ta' programmazzjoni msemmija fil-paragrafi 3 u 4, bil-kondizzjoni li dan jissodisfa r-rekwiżiti msemmija f'dawk il-paragrafi.

10.   F'każ ta' kriżijiet jew theddid għad-demokrazija, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jew ta' diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, tista' titwettaq analiżi ad hoc tad-dokumenti ta' programmazzjoni. Tali analiżi ta' emerġenza għandha tiżgura li tinżamm koerenza bejn il-politiki tal-Unjoni, l-appoġġ tal-Unjoni pprovdut taħt dan ir-Regolament u l-appoġġ ipprovdut taħt strumenti oħra tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna. Analiżi ta' emerġenza tista' twassal għall-adozzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni riveduti. F'dik l-eventwalità, il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dokumenti ta' programmazzjoni riveduti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

11.   Kwalunkwe programmazzjoni jew reviżjonijiet ta' programmi li ssir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

TITOLU III

KOOPERAZZJONI TRANSKONFINALI

Artikolu 8

Eliġibbiltà ġeografika

1.   Il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1) jistgħu jiġu stabbiliti:

(a)

għall-fruntieri fuq l-art li jkopru l-unitajiet territorjali li jikkorrispondu għal-livell 3 tal-Klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) jew ekwivalenti tul il-fruntieri fuq l-art bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi l-oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali, mingħajr preġudizzju għal aġġustamenti potenzjali meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kontinwità tal-azzjoni ta' kooperazzjoni, u f'konformità mal-Artikolu 9(4);

(b)

għall-fruntieri marittimi li jkopru l-unitajiet territorjali li jikkorrispondu għal-livell 3 tan-NUTS jew ekwivalenti tul il-fruntieri marittimi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi l-oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali, mifruda b'mhux iktar minn 150 km, mingħajr preġudizzju għal aġġustamenti potenzjali meħtieġa sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-kontinwità tal-azzjoni ta' kooperazzjoni;

(c)

madwar baċir tal-baħar li jkopri l-unitajiet territorjali kostali li jikkorrispondu għal-livell 2 tan-NUTS jew ekwivalenti li jħarsu lejn baċir tal-baħar komuni għall-Istati Membri u l-pajjiżi l-oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-iskemi ta' kooperazzjoni eżistenti u f'każijiet oħrajn iġġustifikati, u bil-ħsieb li jsir kontribut għall-objettivi tal-programm, l-unitajiet territorjali li jmissu ma' dawk imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jitħallew jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali. Il-kondizzjonijiet li skonthom ir-reġjuni li jmissu jistgħu jipparteċipaw fil-kooperazzjoni għandhom jiġu stipulati fil-programmi operazzjonali konġunti.

3.   F'każijiet debitament ġustifikati, ċentri maġġuri soċjali, ekonomiċi jew kulturali fl-Istati Membri jew f'pajjiżi oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali li ma jkunux imissu ma' unitajiet territorjali eliġibbli jistgħu jiġu inklużi bil-kondizzjoni li tali parteċipazzjoni tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fid-dokument ta' programmazzjoni. Il-kondizzjonijiet li skonthom tali ċentri jistgħu jipparteċipaw fil-kooperazzjoni għandhom jiġu stipulati fil-programmi operazzjonali konġunti.

4.   Meta jiġu stabbiliti programmi skont il-punt (b) tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista', bi qbil mal-parteċipanti, tipproponi li l-eliġibbiltà ġeografika tiġi estiża għall-unità territorjali kollha tal-livell 2 tan-NUTS li fiż-żona tagħha tkun tinstab l-unità territorjali tal-livell 3 tan-NUTS.

5.   Il-kooperazzjoni transkonfinali għandu jkollha l-objettiv li tkun koerenti mal-għanijiet tal-istrateġiji makroreġjonali eżistenti u futuri.

Artikolu 9

Programmazzjoni u allokazzjoni ta' fondi għall-kooperazzjoni transkonfinali

1.   Għandu jitħejja dokument ta' programmazzjoni bil-għan li jiddefinixxi dawn li ġejjin:

(a)

l-objettivi strateġiċi li għandhom jiġu segwiti permezz tal-kooperazzjoni transkonfinali, u l-prijoritajiet u r-riżultati mistennija ta' dik il-kooperazzjoni;

(b)

il-lista ta' programmi operazzjonali konġunti li għandhom jiġu stabbiliti;

(c)

it-tqassim indikattiv ta' riżorsi bejn il-programmi tal-fruntieri tal-art u dawk marittimi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(1) u l-programmi tal-baċir tal-baħar imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 8(1);

(d)

l-allokazzjonijiet pluriennali indikattivi għal kull programm operazzjonali konġunt;

(e)

l-unitajiet territorjali eliġibbli biex jipparteċipaw f'kull waħda mill-programmi operazzjonali konġunti, u l-unitajiet reġjonali u ċ-ċentri indikati fl-Artikolu 8(2), (3) u (4);

(f)

l-allokazzjoni indikattiva b'appoġġ, kif adatt, għal azzjonijiet orizzontali għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet, in-netwerking u l-iskambju tal-esperjenzi fost il-programmi;

(g)

il-kontribuzzjonijiet għall-programmi transkonfinali stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), li fihom jipparteċipaw il-pajjiżi sħab u/jew il-Federazzjoni Russa.

Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jkopri perijodu ta' seba' snin u għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament(UE) Nru 236/2014. Dan għandu jiġi eżaminat f'nofs il-perijodu jew kull meta jkun meħtieġ u jista' jiġu rrivedut f'konformità ma' dik il-proċedura.

2.   Il-programmi operazzjonali konġunti għandhom ikunu kkofinanzjati permezz tal-FEŻR. L-ammont globali tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-użu ta' dik il-kontribuzzjoni.

3.   L-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 236/2014 jista' jintuża biex jikkofinanzja l-programmi operazzjonali konġunti li fihom jipparteċipaw il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament għandu japplika għall-użu ta' dak il-kofinanzjament.

4.   L-allokazzjonijiet indikattivi tal-fondi għal programmi operazzjonali konġunti għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, b'mod partikolari il-popolazzjoni tal-unitajiet territorjali eliġibbli kif definiti fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 8(1). Meta jkunu ddeterminati l-allokazzjonijiet indikattivi, jistgħu jsiru aġġustamenti biex jirriflettu l-ħtieġa għal bilanċ bejn il-kontribuzzjonijiet mill-FEŻR u l-kontribuzzjonijiet ipprovduti taħt dan ir-Regolament, kif ukoll fatturi oħra li jaffettwaw l-intensità tal-kooperazzjoni, bħall-karatteristiċi speċifiċi ta' żoni fuq il-fruntiera u l-kapaċità tagħhom biex jamministraw u jassorbu l-appoġġ tal-Unjoni.

Artikolu 10

Programmi operazzjonali konġunti

1.   Il-kooperazzjoni transkonfinali għandha tkun implimentata permezz tal-programmi operazzjonali konġunti pluriennali li jkopru l-kooperazzjoni għal fruntiera jew grupp ta' fruntieri u li jinkludu miżuri pluriennali li jsegwu sett konsistenti ta' prijoritajiet u li jistgħu jiġu implimentati bl-appoġġ tal-Unjoni. Il-programmi operazzjonali konġunti għandhom ikunu bbażati fuq d-dokument ta' programmazzjoni imsemmi fl-Artikolu 9(1). Dawn għandhom jinkludu deskrizzjoni fil-qosor tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll li jkopru l-elementi msemmija fl-Artikolu 11(2) u fl-Artikolu 12(2).

2.   Il-programmi operazzjonali konġunti għal fruntieri tal-art u dawk marittimi għandhom ikunu stabbiliti għal kull fruntiera fil-livell territorjali adatt u għandhom jinkludu unitajiet territorjali eliġibbli li jappartjenu Stat Membru wieħed jew aktar u għal pajjiż wieħed jew aktar oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali.

3.   Il-programmi operazzjonali konġunti madwar il-baċiri tal-baħar għandhom ikunu multilaterali, stabbiliti fil-livell territorjali adatt, u għandhom jinkludu unitajiet territorjali eliġibbli li jħarsu lejn baċir tal-baħar komuni li jagħmel parti minn diversi pajjiżi parteċipanti, inklużi mill-inqas Stat Membru wieħed u pajjiż wieħed ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali. Dawn jistgħu jinkludu attivitajiet bilaterali li jappoġġaw il-koperazzjoni bejn Stat Membru wieħed u pajjiż wieħed ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali.

4.   Fi żmien sena mill-approvazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(1), u wara l-adozzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali, il-pajjiżi parteċipanti għandhom jippreżentaw b'mod konġunt proposti għal programmi operazzjonali konġunti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha, fi skadenza stabbilita fir-regoli ta' implimentazzjoni, tadotta kull programm operazzjonali konġunt wara li tivvaluta l-konsistenza tiegħu ma' dan ir-Regolament, mad-dokument ta' programmazzjoni u mar-regoli ta' implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta programmi operazzjonali konġunti lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri għall-informazzjoni fi żmien xahar mill-adozzjoni ta' dawk il-programmi.

5.   Ir-reġjuni f'pajjiżi minbarra l-Istati Membri jew pajjiżi oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali, li jmissu ma' reġjuni eliġibbli kif definit fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(1) jew li jħarsu lejn baċir tal-baħar komuni fejn ikun qiegħed jiġi stabbilit programm operazzjonali konġunt jistgħu jiġu koperti permezz ta' programm operazzjonali konġunt u jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament skont il-kondizzjonijiet stipulati fid-dokument ta' programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 9(1).

6.   Il-Kummissjoni u l-pajjiżi parteċipanti għandhom jieħdu l-miżuri adatti biex jiżguraw li l-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari għall-baċiri tal-baħar, stabbiliti skont dan ir-Regolament u l-programmi ta' kooperazzjoni transnazzjonali stabbiliti taħt ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 li jkollhom kopertura ġeografika li tikkoinċidi parzjalment ikunu totalment komplementari u jsaħħu lil xulxin.

7.   Il-programmi operazzjonali konġunti jistgħu jiġu riveduti fuq l-inizjattiva tal-pajjiżi parteċipanti jew tal-Kummissjoni għal raġunijiet bħal:

(a)

bidliet fil-prijoritajiet ta' kooperazzjoni jew żviluppi soċjoekonomiċi;

(b)

riżultati ta' implimentazzjoni tal-miżuri kkonċernati u dawk prodotti mill-proċess ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

(c)

il-ħtieġa ta' aġġustament tal-ammonti tal-fondi disponibbli u ta' riallokazzjoni tar-riżorsi.

8.   Sa tmiem is-sena kalendarja wara s-sena tal-adozzjoni ta' programmi operazzjonali konġunti, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-pajjiżi l-oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali. Dak il-ftehim ta' finanzjament għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet legali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali konġunt u jista' jiġi ffirmat konġuntament minn pajjiżi parteċipanti oħrajn u mill-awtorità ta' ġestjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 12(2) jew mill-pajjiż li jospita l-awtorità ta' ġestjoni.

Fejn meħtieġ, għandu jiġi konkluż ftehim, pereżempju fil-forma ta' memorandum ta' qbil, bejn il-pajjiżi parteċipanti u l-awtorità ta' ġestjoni biex jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet finanzjarji speċifiċi u l-modalitajiet ta' implimentazzjoni tal-programm tal-pajjiżi kkonċernati, inkluż il-kompiti u r-responsabbiltajiet ta' ġestjoni u ta' amministrazzjoni tagħhom.

9.   Programm operazzjonali konġunt li jkun jinvolvi aktar minn pajjiż wieħed ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali jiġi stabbilit jekk mill-inqas pajjiż ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali jiffirma l-ftehim ta' finanzjament. Pajjiżi oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali koperti permezz ta' programm stabbilit jistgħu jissieħbu fil-programm fi kwalunkwe mument billi jiffirmaw il-ftehim ta' finanzjament.

10.   Jekk pajjiż parteċipanti jimpenja ruħu li jikkofinanzja programm operazzjonali konġunt, dak il-programm għandu jiċċara l-arranġamenti u s-salvagwardji meħtieġa għall-awditjar, il-provvista, l-użu u l-monitoraġġ tal-kofinanzjament. Il-ftehim ta' finanzjament relatat għandu jiġi ffirmat mill-pajjiżi parteċipanti kollha u l-awtorità ta' ġestjoni tal-programm operazzjonali konġunt jew mill-pajjiż li jospita l-awtorità ta' ġestjoni.

11.   Il-programmi operazzjonali konġunti jistgħu wkoll jipprovdu kontribuzzjoni finanzjarja minn u għal strumenti finanzjarji li magħhom jistgħu jiġu kkombinati għotjiet, soġġett għar-regoli ta' dawk l-istrumenti, dment li dan jikkontribwixxi għall-kisba ta' dawk il-prijoritajiet tal-programmi.

12.   Filwaqt li jsegwu l-prinċipju tas-sħubija, il-pajjiżi parteċipanti u l-awtoritajiet lokali tagħhom, fejn applikabbli, għandhom jagħżlu b'mod konġunt azzjonijiet għall-appoġġ tal-Unjoni li jkunu konsistenti mal-prijoritajiet u l-miżuri ta' programm operazzjonali konġunt.

13.   F'każijiet speċifiċi u debitament ġustifikati, fejn:

(a)

programm operazzjonali konġunt ma jkunx jista' jiġi ppreżentat minħabba problemi li jirriżultaw minn relazzjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti jew bejn l-Unjoni u pajjiż ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali;

(b)

programm operazzjonali konġunt ma jkunx jista' jiġi implimentat minħabba problemi li jirriżultaw minn relazzjonijiet bejn il-pajjiżi parteċipanti;

(c)

il-pajjiżi parteċipanti ma jkunux ippreżentaw lill-Kummissjoni programm operazzjonali konġunt sat-30 ta' Ġunju 2017; jew

(d)

ebda wieħed mill-pajjiżi l-oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali fil-programm ma jkun iffirma l-ftehim ta' finanzjament rilevanti sa tmiem is-sena wara l-adozzjoni tal-programm,

il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa, wara konsultazzjonijiet mal-Istat jew Stati Membri konċernati, biex tippermetti li l-Istat jew l-Istati Membri kkonċernati jużaw il-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programm operazzjonali konġunt skont l-Artikolu 4(7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013.

14.   L-impenji baġitarji għal azzjonijiet jew programmi tal-kooperazzjoni transkonfinali li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja jistgħu jitqassmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

Artikolu 11

Ġestjoni tal-programmi operazzjonali konġunti

1.   Il-programmi operazzjonali konġunti normalment għandhom ikunu implimentati b'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Madankollu, il-pajjiżi parteċipanti jistgħu jipproponu l-implimentazzjoni b'ġestjoni indiretta, minn entità elenkata fir-Regolament u (UE, Euratom) Nru 966/2012 f'konformità mar-regoli ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tissodisfa lilha nnifisha fuq il-bażi ta' informazzjoni disponibbli li l-Istat Membru fil-każ ta' ġestjoni kondiviża, jew il-pajjiż l-ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali jew l-organizzazzjoni internazzjonali fil-każ ta' ġestjoni indiretta, tkun stabbilixxiet u topera sistemi ta' ġestjoni u kontroll li jkunu konformi mar-Regolament(UE, Euratom) Nru 966/2012, ma' dan ir-Regolament, u mar-regoli ta' implimentazzjoni tiegħu msemmija fl-Artikolu 12(2) ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri, pajjiżi oħrajn li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati għandhom jiżguraw il-funzjonament effettiv tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll tagħhom, il-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti u l-osservanza tal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja fis-sod. Huma għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi.

Il-Kummissjoni tista' teħtieġ li l-Istat Membru jew il-pajjiż l-ieħor li jipparteċipa fil-kooperazzjoni transkonfinali jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati jeżamina l-ilment imressaq lill-Kummissjoni dwar l-għażla jew l-implimentazzjoni tal-attivitajiet appoġġati taħt dan it-Titolu jew il-funzjonament tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll.

3.   Sabiex jippermettu li programmi operazzjonali konġunti jippreparaw b'mod adatt għall-implimentazzjoni, l-infiq li jsir wara li programm operazzjonali konġunt jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għandu jkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2014.

4.   Fejn l-eliġibbiltà tkun ristretta f'konformità mal-Artikolu 8(7) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, l-entità msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, li tista' tniedi sejħiet għal proposti u offerti, għandha tkun intitolata li taċċetta bħala eliġibbli offerenti, applikanti u kandidati minn pajjiżi li mhumiex eliġibbli, jew oġġetti minn oriġini mhux eliġibbli, f'konformità mal-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Artikolu 12

Regoli ta' implimentazzjoni għall-kooperazzjoni transkonfinali

1.   Għandhom jiġu adottati regoli ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' dan it-Titolu f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

2.   Kwistjonijiet koperti mir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dettaljati, inter alia dwar:

(a)

ir-rata u l-metodi ta' kofinanzjament;

(b)

il-kontenut, it-tħejjija, il-modifika u l-għeluq ta' programmi operazzjonali konġunti;

(c)

ir-rwol u l-funzjonament tal-istrutturi tal-programm, eż. il-kumitat konġunt ta' monitoraġġ, l-awtorità ta' ġestjoni u s-segretarjat tekniku konġunt tagħha, inklużi kumitati permanenti tagħhom, l-identifikazzjoni effettiva, il-kontabbiltà u r-responsabbiltà, ideskrizzjoni tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll, u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġestjoni teknika u finanzjarja tal-appoġġ tal-Unjoni, inkluż l-eliġibbiltà tal-infiq;

(d)

il-proċeduri ta' rkupru fil-pajjiżi parteċipanti kollha;

(e)

il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;

(f)

l-attivitajiet ta' viżibbiltà u informazzjoni;

(g)

il-ġestjoni kondiviża u indiretta imsemmija fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Delega tas-setgħa

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 14 biex jiġi emendat l-Anness II. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu, u bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jemenda l-Anness II sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti ddelegati msemmijin fl-Artikolu 13 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 13 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ il-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 13 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16

Parteċipazzjoni minn pajjiż terz mhux kopert mill-Artikolu 1

1.   F'ċirkostanzi debitament iġġustifikati u sabiex tiżgura l-koerenza u l-effettività tal-finanzjament tal-Unjoni jew biex trawwem il-kooperazzjoni reġjonali jew transreġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skont il-każ, li testendi l-eliġibbiltà ta' azzjonijiet speċifiċi f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 lil pajjiżi, territorji u reġjuni li ma jkunux altrimenti eliġibbli għall-finanzjament.

Minkejja l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, persuni fiżiċi u dawk ġuridiċi minn pajjiżi, territorji u reġjuni kkonċernati jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri li jimplimentaw tali azzjonijiet.

2.   Fid-dokumenti ta' programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi prevista l-possibbiltà msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu mill-2014 sal-2020 għandu jkun ta' EUR 15 432 634 000 fi prezzijiet attwali. Sa 5 % tal-pakkett finanzjarju għandu jiġi allokat lill-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 6(1).

2.   L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

3.   F'konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mid-diversi strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, jiġifieri l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), l-ENI, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u l-Istrument ta' Sħubija, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), għandu jiġi allokat għall-azzjonijiet li jirrigwardaw il-mobbiltà fit-tagħlim lejn jew minn pajjiżi sħab fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 u għal kooperazzjoni u djalogu politiku ma' awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu japplika għall-użu ta' dawk il-fondi.

Il-finanzjament għandu jsir disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru biss l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jkun fadal, rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak ak il-finanzjament għandha tkun riflessa fil-programmazzjoni indikattiva pluriennali prevista f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti fl-eventwalità ta' ċirkostanzi imprevisti jew tibdiliet politiċi importanti konformement mal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Artikolu 18

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni Nru 2010/427/UE.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11, 15.1.2013, p. 77.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali lill-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, 1720/2006/KE u 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(13)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (Ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Il-pajjiżi sħab imsemmija fl-Artikolu 1 huma:

 

Alġerija

 

Armenja

 

Ażerbajġan

 

Bjelorussja

 

Eġittu

 

Ġeorġja

 

Iżrael

 

Ġordan

 

Libanu

 

Libja

 

Repubblika tal-Moldova

 

Marokk

 

territorju Palestinjan okkupat (tPo)

 

Sirja

 

Tuneżija

 

Ukraina


ANNESS II

Prijoritajiet għall-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament

Biex tiġi appoġġata l-kisba tal-objettivi speċifiċi previsti fl-Artikolu 2, filwaqt li jitqies ukoll id-dokumenti maqbula b'mod konġunt kif jinsabu fl-Artikolu 3(2), il-finanzjament tal-Unjoni jista' jindirizza l-prijoritajiet stabbiliti fil-punti 1, 2 u 3 ta' dan l-Anness.

Uħud minn dawk il-prijoritajiet jistgħu jkunu rilevanti għal aktar minn tip wieħed ta' programmi. Emendi possibbli għal din il-lista indikattiva ta' prijoritajiet għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' sjieda kondiviża.

Kwistjonijiet trasversali, inklużi d-demokrazija profonda u sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ambjent għandhom jiġu indirizzati f'dawk il-prijoritajiet.

1.

L-appoġġ tal-Unjoni fil-livell bilaterali għandu, fejn adatt, jindirizza, fost l-oħraj,n il-prijoritajiet li ġejjin:

id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt, inklużi r-riforma tal-ġustizzja, tal-amministrazzjoni pubblika u tas-settur tas-sigurtà;

il-kooperazzjoni istituzzjonali u l-iżvilupp tal-kapaċità, inklużi dawk għall-implimentazzjoni tal-ftehimiet tal-Unjoni;

l-appoġġ għal atturi tas-soċjetà ċivili u għar-rwol tagħhom fil-proċessi ta' riformi u t-transizzjonijiet demokratiċi;

l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv, inkluż dak fil-livell reġjonali u lokali, u l-koeżjoni territorjali;

l-iżvilupp għas-setturi soċjali, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, b'enfasi fuq il-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni u l-impjieg;

l-iżvilupp kummerċjali u tas-settur privat, inkluż l-appoġġ lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju, l-impjieg u l-implimentazzjoni ta' żona ta' kummerċ ħieles approfondita u komprensiva;

l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, inkluża s-sigurtà tal-ikel;

l-amministrazzjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

is-settur tal-enerġija, b'enfasi fuq l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli;

it-trasport u l-infrastruttura;

l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, inklużi l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ vokazzjonali;

il-mobbilità u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, inkluża l-protezzjoni tal-migranti;

il-bini tal-kunfidenza u miżuri oħrajn li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti, inkluż l-appoġġ lill-popolazzjonijiet milqutin u r-rikostruzzjoni.

Il-prijoritajiet stabbiliti f'dan il-punt jistgħu jikkontribwixxu għal aktar minn objettiv wieħed ta' dan ir-Regolament.

2.

L-appoġġ tal-Unjoni fil-livell ta' diversi pajjiżi għandu, fejn adatt, jindirizza, fost l-oħrajn, il-prijoritajiet li ġejjin:

id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt;

il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-żvilupp tal-kapaċità;

il-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, l-Unjoni għall-Mediterran u s-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża;

l-edukazzjoni għolja u l-iżvilupp tal-ħiliet, il-mobbilità tal-istudenti u tal-persunal, iż-żgħażagħ u l-kultura;

l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli, l-iżvilupp kummerċjali u tas-settur privat u l-appoġġ għall-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju;

is-settur tal-enerġija, inklużi netwerks tal-enerġija;

l-interkonnessjonijiet tat-trasport u l-infrastruttura;

il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, inklużi l-ilma, it-tkabbir ekoloġiku, l-ambjent u l-adattazzjoni u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

l-appoġġ lis-soċjetà ċivili;

il-ġestjoni tal-mobbilità u l-migrazzjoni;

il-bini ta' kunfidenza u miżuri oħrajn li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta' konflitti.

Il-prijoritajiet stabbiliti f'dan il-punt jistgħu jikkontribwixxu għal aktar minn objettiv wieħed ta' dan ir-Regolament.

3.

L-appoġġ tal-Unjoni permezz tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandu, fejn adatt, jindirizza l-prijoritajiet li ġejjin:

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà;

il-mobbilità tal-persuni, il-prodotti u l-kapital.

Il-prijoritajiet stabbiliti f'dan il-punt jirriflettu sfidi komuni. Huma jikkostitwixxu l-qafas għall-identifikazzjoni tal-prijoritajiet speċifiċi mal-pajjiżi li qed jipparteċipaw fil-kooperazzjoni transkonfinali. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser jiġu involuti fl-iżvilupp tal-programmi u ser ikunu, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-benefiċjarji prinċipali tagħhom.

Allokazzjonijiet finanzjarji għal kull tip ta' programm

 

Programmi bilaterali: sa 80 %

 

Programmi għal diversi pajjiżi: sa 35 %

 

Kooperazzjoni transkonfinali: sa 5 %


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal- Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-użu ta' atti ta' implementazzjoni għat-twaqqif ta' provvedimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti regoli fir-Regolament Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)

Il-Kummissjoni Ewropea tqis li r-regoli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transfruntieri kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u regoli ta' implimentazzjoni oħrajn speċifiċi u aktar dettaljati fir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat u fir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), għandhom l-għan li jissupplimentaw l-att bażiku u għaldaqstant għandhom ikunu atti delegati li għandi jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex se topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tiftakar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ tal-“bijoċidi”.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihomx referenza espliċita għall-possibbiltà li jissospendu l-assistenza f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/44


REGOLAMENT (UE) Nru 233/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jifforma parti mill-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni. Huwa jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2013.

(2)

Il-ġlieda kontra l-faqar tibqa' l-objettiv primarju tal-politika tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżvilupp, kif stabbilit fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tal-Ħames Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), f'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), u impenji u objettivi oħra tal-iżvilupp maqbula internazzjonaliment approvati mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u fora internazzjonali kompetenti oħra.

(3)

L-istqarrija konġunta mill-Kunsill u mir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika dwar l-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: Il-Konsensus Ewropew (4) (il-“Konsensus Ewropew”), u l-modifiki li sarulha wara qbil dwarhom, jipprovdu l-qafas tal-politika ġenerali, l-orjentazzjonijiet u l-iffokar li jiggwida l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(4)

Matul iż-żmien, l-assistenza tal-Unjoni għandha tikkontribwixxi biex tonqos id-dipendenza mill-għajnuna.

(5)

L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li tfittex li tavvanza fil-bqija tad-dinja, jiġifieri, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali. L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa u tikkonsolida l-impenn lejn dawn il-prinċipji f'pajjiżi, territorji u reġjuni sħab permezz ta' djalogu u kooperazzjoni. Waqt li taħdem għal dawk il-prinċipji l-Unjoni tipprovdi l-valur miżjud tagħha bħala attur fil-politiki dwar l-iżvilupp.

(6)

Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari matul il-proċess tal-ipprogrammar, l-Unjoni għandha tieħu kont dovut tal-prijoritajiet, l-objettivi u l-punti ta' riferiment fid-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija stabbiliti mill-Unjoni għal pajjiżi sħab, b'mod partikolari l-istrateġiji tagħha għall-pajjiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(7)

Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-promozzjoni tal-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi, it-trasparenza, il-governanza tajba, il-paċi u l-istabbiltà u l-ugwaljanza bejn is-sessi huma essenzjali għall-iżvilupp tal-pajjiżi sħab u tali aspetti għandhom ikunu integrati fil-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp, b'mod partikolari fl-ipprogrammar u l-konklużjoni ta' ftehimiet ma' pajjiżi sħab.

(8)

L-effikaċja tal-għajnuna, aktar trasparenza, kooperazzjoni u komplementarjetà u armonizzazzjoni aħjar, allinjament mal-pajjiżi sħab, kif ukoll koordinazzjoni tal-proċeduri, kemm bejn l-Unjoni u l-Istati Membri kif ukoll fir-relazzjonijiet ma' donaturi u atturi għall-iżvilupp oħra, huma essenzjali biex jiżguraw il-konsistenza u r-relevanza tal-għajnuna waqt li fl-istess ħin inaqqsu l-kostijiet imġarrba mill-pajjiżi sħab. Permezz tal-politika tagħha dwar l-iżvilupp, l-Unjoni hija impenjata li timplimenta l-konklużjonijiet tad-Dikjarazzjoni dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna adottata fil-Forum ta' Livell Għoli, li sar Pariġi, fit-2 ta' Marzu 2005, l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni adottata fl-4 ta' Settembru 2008 u d-Dikjarazzjoni tagħhom ta' segwitu adottata f'Busan fl-1 ta' Diċembru 2011. Dawk l-impenji wasslu għal numru ta' konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill bħall-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar il-Komplementarjetà u t-Tqassim tax-Xogħol fil-Politika dwar l-Iżvilupp, u l-Qafas Operazzjonali dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna. Għandhom jissaħħu l-isforzi u l-proċeduri għall-kisba ta' pprogrammar konġunt.

(9)

L-assistenza tal-Unjoni għandha tappoġġa l-Istrateġija Konġunta Afrika-UE, adottata fis-Summit Afrika-UE fit-8 u d-9 ta' Diċembru 2007 f'Lisbona u l-modifiki u żidiet sussegwenti fiha, abbażi tal-viżjoni, prinċipji u objettivi kondiviżii li jsejsu s-Sħubija Strateġika Afrika-UE.

(10)

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom itejbu l-konsistenza, il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà tal-politiki rispettivi tagħhom dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari billi jirrispondu għall-prijoritajiet tal-pajjiżi u tar-reġjuni sħab fuq livell ta' pajjiż u reġjonali. Sabiex jiġi żgurat li l-politika għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp tal-Unjoni u dik tal-Istati Membri jikkomplementaw u jsaħħu lil xulxin, u sabiex jiġi żgurat it-twassil ta' għajnuna kosteffikaċi filwaqt li jiġu evitati s-sovrappożizzjonijiet u l-lakuni, huwa kemm urġenti kif ukoll xieraq li jkunu previsti proċeduri ta' pprogrammar konġunt li għandhom jiġu implimentati kull fejn ikun possibbli u rilevanti.

(11)

L-azzjoni politika u internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija ggwidata mill-MDGs, bħall-qerda tal-faqar u l-ġuħ estremi, inkluża kwalunkwe modifika sussegwenti fihom, u mill-objettivi, prinċipji u impenji dwar l-iżvilupp approvati mill-Unjoni u l-Istati Membri, fosthom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħhom fi ħdan in-NU u fora internazzjonali kompetenti oħra fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-politika tal-Unjoni u l-azzjoni internazzjonali tagħha huma ggwidati wkoll mill-impenji u l-obbligi tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp, inklużi d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp.

(12)

L-Unjoni hija impenjata bil-qawwa favur l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala dritt uman, kwistjoni ta' ġustizzja soċjali u valur ta' qofol fil-politika tal-Unjoni dwar l-iżvilupp; l-ugwaljanza bejn is-sessi hija ċentrali fil-kisba tal-MDGs kollha. Fl-14 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill approva l-Pjan ta' Azzjoni 2010-2015 tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa fl-Iżvilupp.

(13)

L-Unjoni għandha, bħala kwistjoni ta' prijorità kbira, tippromwovi approċċ komprensiv b'rispons għal sitwazzjonijiet ta' kriżi u diżastru kif ukoll f'sitwazzjonijiet affettwati minn konflitti u f'sitwazzjonijiet fraġli, inkluż dawk ta' transizzjoni u wara kriżi. Dan għandu, b'mod partikolari, jibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2007 dwar rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet ta' fraġilità u l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tad-19 ta' Novembru 2007 dwar is-sigurtà u l-iżvilupp, kif ukoll jibni fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar il-prevenzjoni ta' konflitti, kif ukoll kwalunkwe konklużjoni sussegwenti rilevanti.

(14)

B'mod partikolari f'dawk is-sitwazzjonijiet fejn il-bżonnijiet huma l-aktar urġenti u l-faqar huwa l-aktar gravi u wkoll l-aktar mifrux, l-appoġġ tal-Unjoni għandu jimmira sabiex isaħħaħ ir-reżiljenza tal-pajjiżi u l-popolazzjonijiet tagħhom għal avvenimenti avversi. Dak għandu jsir permezz tat-taħlita xierqa ta' approċċi, tweġibiet u strumenti, b'mod partikolari billi jkun żgurat li l-approċċi orjentati lejn is-sigurtà, umanitarji u tal-iżvilupp ikunu bbilanċjati, konsistenti u kkoordinati b'mod effettiv, biex b'hekk ikun hemm kollegament tal-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.

(15)

L-għajnuna mill-Unjoni għandha tiffoka fuq fejn ikollha l-akbar impatt, billi titqies il-kapaċità tagħha li taġixxi fuq skala globali u li tirrispondi għal sfidi globali bħall-qerda tal-faqar, l-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u l-promozzjoni tad-demokrazija mad-dinja kollha, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-involviment fit-tul u prevedibbli tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp u r-rwol tagħha fil-koordinament mal-Istati Membri. Biex ikun żgurat tali impatt, il-prinċipju tad-divrenzjar għandu jkun applikat mhux biss fil-livell tal-allokazzjoni tal-fondi, iżda wkoll fil-livell tal-ipprogrammar, biex ikun żgurat li l-kooperazzjoni bilaterali għall-iżvilupp tkun immirata lejn il-pajjiżi sħab li għandhom l-iktar bżonnha, inkluż stati fraġli u stati li għandhom vulnerabbiltà għolja, u b'kapaċità limitata ta' aċċess għal sorsi oħra ta' finanzjament biex jappoġġaw l-iżvilupp proprju. L-Unjoni għandha tidħol għal sħubijiet ġodda ma' pajjiżi li jikkwalifikaw mill-programmi bilaterali ta' għajnuna, partikolarment abbażi tal-programmi tematiċi u reġjonali taħt dan l-istrument u strumenti finanzjarji tematiċi oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, b'mod partikolari l-Istrument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (l-“Istrument ta' Sħubija”).

(16)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' approċċ komprensiv għal kull pajjiż fuq il-bażi ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan l-istrument, strumenti oħrajn għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna. Filwaqt li taħdem għall-konsistenza komprensiva tal-azzjoni esterna tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 21 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tiżgura l-koerenza fil-politika għall-iżvilupp kif meħtieġ taħt l-Artikolu 208 tat-TFUE.

(17)

Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju ta' koerenza fil-politika għall-iżvilupp, dan ir-Regolament għandu jippermetti konsistenza akbar bejn il-politiki tal-Unjoni. Għandu jabilita l-allinjament sħiħ mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab bl-użu, fejn ikun possibbli, bħala l-bażi għall-ipprogrammar tal-azzjoni tal-Unjoni, ta' pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali jew dokumenti komprensivi simili dwar l-iżvilupp, adottati bl-involviment tal-korpi nazzjonali u reġjonali kkonċernati. Għandu wkoll jippromwovi koordinament aħjar fost id-donaturi, b'mod partikolari bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, permezz ta' pprogrammar konġunt.

(18)

F'dinja globalizzata, il-politiki interni differenti tal-Unjoni bħall-ambjent, it-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, l-impjiegi (inkluż xogħol diċenti għal kulħadd), ugwaljanza bejn is-sessi, l-enerġija, l-ilma, it-trasport, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja u s-sigurtà, il-kultura, ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà informatika, il-migrazzjoni u agrikoltura u s-sajd, qed isiru dejjem iktar parti mill-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(19)

Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, li jinvolvi mudelli ta' tkabbir li jtejbu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u jippermettu lill-foqra jżidu l-kontribut tagħhom għall-ġid nazzjonali u jibbenefikaw minnu, tissottolinja l-impenn tal-Unjoni li tippromwovi, fil-politiki interni u esterni tagħha, tkabbir inklużiv u sostenibbli li jgħaqqad flimkien tliet pilastri: il-pilastru ekonomiku u dawk soċjali u ambjentali.

(20)

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent huma fost l-isfidi l-kbar li l-Unjoni u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qegħdin jiffaċċaw, u fejn il-bżonn ta' azzjoni nazzjonali u internazzjonali huwa wieħed urġenti. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-objettiv li mill-inqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni jkun indirizzat lejn soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għall-klima, u li l-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali previst f'dan ir-Regolament għandu juża mill-inqas 25 % tal-fondi tiegħu biex ikopri t-tibdil fil-klima u l-ambjent. L-azzjonijiet f'dawk l-oqsma għandhom, kull fejn hu possibbli, jappoġġaw lil xulxin b'mod reċiproku biex isaħħu l-impatti tagħhom.

(21)

Dan ir-Regolament għandu jippermetti li l-Unjoni tikkontribwixxi għat-twettiq tal-impenn konġunt tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-iżvilupp tal-bniedem sabiex jittejbu l-ħajjiet tan-nies. Biex jikkontribwixxi għal dak il-għan, mill-inqas 25 % tal-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali għandu jappoġġa dak il-qasam ta' żvilupp.

(22)

Mill-inqas 20 % tal-assistenza taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu allokati lis-servizzi soċjali bażiċi, iffokati fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, kif ukoll lill-edukazzjoni sekondarja, waqt li jkun rikonoxxut li bħala regola għandu jkun hemm ċerta flessibbiltà bħal fil-każijiet fejn tkun involuta assistenza eċċezzjonali. Id-data li tikkonċerna l-konformità ma' dak ir-rekwiżit għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali msemmi fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(23)

Fil-Programm ta' Azzjoni tan-NU ta' Istanbul għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għad-Deċennju 2011 — 2020, l-pajjiżi l-inqas żviluppati ntrabtu li jintegraw il-politiki kummerċjali u għall-bini tal-kapaċitajiet kummerċjali fl-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp. Barra minn hekk, fit-Tmien Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, f'Ġinevra fil-15 u s-17 ta' Diċembru 2011, il-ministri qablu li jinżammu, lil hinn mill-2011, livelli ta' Għajnuna għall-Kummerċ li tal-inqas jirriflettu l-medja tal-perijodu 2006-2008. Dawk l-isforzi jridu jkunu akkumpanjati minn Għajnuna għall-Kummerċ u faċilitazzjoni tal-kummerċ immirati aħjar u immirati aktar.

(24)

Filwaqt li l-programmi tematiċi għandhom primarjament jappoġġaw pajjiżi li qed jiżviluppaw, xi pajjiżi benefiċjarji kif ukoll pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs), li l-karatteristiċi tagħhom ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex jiġu definiti bħala riċevituri tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) mill-Kumitat tal-Assistenza għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u Żvilupp (OECD/DAC) iżda li huma koperti mill-punt (b) tal-Artikolu 1(1), għandhom ukoll ikunu eliġibbli għal programmi tematiċi suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(25)

Id-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni u aġġustamenti ta' allokazzjonijiet finanzjarji skont iż-żona ġeografika u l-qasam ta' kooperazzjoni huma elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament. Konsegwentement, għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-aġġornament tal-elementi tal-Annessi ta' dan ir-Regolament li jistabbilixxu d-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt programmi ġeografiċi u tematiċi u l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi skont iż-żona ġeografika u l-qasam ta' kooperazzjoni. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni jkollha konsultazzjonijiet adegwati matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qiegħda tipprepara u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(26)

Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jingħataw lill-Kummissjoni setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dokumenti ta' strateġija u l-programmi indikattivi pluriennali msemmijin f'dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(27)

B'kont meħud tan-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari n-natura tagħhom ta' orjentazzjoni politika u l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha, bħala prinċipju, tintuża għall-adozzjoni tagħhom, għajr fil-każ ta' miżuri ta' skala finanzjarja żgħira.

(28)

Il-Kummissjoni għandha tadotta immedjatament l-atti ta' implimentazzjoni applikabbli fejn, f'każijiet debitament ġustifikati relatati mal-bżonn għal rispons rapidu mill-Unjoni, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jirrikjedu dan.

(29)

Regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(30)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (8).

(31)

Minħabba li l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjaretà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(32)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju, għaż-żmien tal-applikazzjoni tiegħu, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlenija, fis-sens tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (9) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(33)

Huwa kunsiljabbli li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi strument (l-“Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp” jew “DCI”) li taħtu l-Unjoni tista' tiffinanzja:

(a)

programmi ġeografiċi bil-għan li jappoġġaw kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA stabbilita mill-OECD/DAC, ħlief:

(i)

pajjiżi li huma firmatarji tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-gruppi ta' l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmat fil-Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (11), ħlief l-Afrika t'Isfel;

(ii)

pajjiżi eliġibbli għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

(iii)

pajjiżi eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni taħt l-istrument Ewropew tal-Viċinat stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (12) (“l-Istrument Ewropew tal-Viċinat”);

(iv)

benefiċjarji eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13) (“l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni”);

(b)

programmi tematiċi li jindirizzaw beni pubbliċi globali u sfidi globali b'rabta mal-iżvilupp u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab skont il-punt (a) ta' dan il-paragrafu, pajjiżi eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni taħt l-istrumenti msemmija fil-punti (i) sa (iii) tal-punt (a) ta' dan il-paragrafu, u pajjiżi u territorji li jaqgħu fl-ambitu tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (14).

(c)

programm Pan-Afrikan li jappoġġa s-sħubija strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni u l-modifiki u żidiet sussegwenti li sarulha, biex ikopri attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fl-Afrika u mal-Afrika.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, reġjun huwa entità ġeografika li tinkludi aktar minn pajjiż wieħed li qed jiżviluppa.

3.   Il-pajjiżi u t-territorji msemmija fil-paragrafu 1 huma msejħa f'dan ir-Regolament “pajjiżi sħab” jew “reġjuni sħab” skont kif ikun il-każ fil-programm ġeografiku, tematiku jew Pan-Afrikan rilevanti.

Artikolu 2

Objettivi u kriterji ta' eliġibbiltà

1.   Fil-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-Konsensus Ewropew u l-modifiki li sarulu wara qbil:

(a)

l-objettiv primarju ta' kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandu jkun it-tnaqqis u, fuq medda twila ta' żmien, il-qerda tal-faqar;

(b)

b'konsistenza mal-objettiv primarju msemmi fil-punt (a), il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi wkoll għal:

(i)

it-trawwim ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli, u

(ii)

il-konsolidazzjoni u s-sostenn tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali.

Il-ksib tal-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jitkejjel bl-użu ta' indikaturi rilevanti, inklużi indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem, b'mod partikolari l-MDG 1 għall-punt (a) u l-MDGs mill-1 sat-8 għall-punt (b) u, wara l-2015, indikaturi oħra li dwarhom intlaħaq qbil fuq livell internazzjonali mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

2.   Il-kooperazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi għall-kisba tal-impenji u l-objettivi internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp li l-Unjoni qablet magħhom, b'mod partikolari l-MDGs, u l-miri ġodda tal-iżvilupp wara l-2015.

3.   L-azzjonijiet taħt il-programmi ġeografiċi għandhom ikunu mfassla b'mod li jissodisfaw il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC.

L-azzjonijiet taħt il-programmi tematiċi u l-programm Pan-Afrikan għandhom ikunu mfassla b'mod li jissodisfaw il-kriterji għall-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC, ħlief jekk:

(a)

l-azzjoni tapplika għal pajjiż jew territorju benefiċjarju li ma jikkwalifikax bħala pajjiż jew territorju riċevitur tal-ODA skont l-OECD/DAC; jew

(b)

l-azzjoni ma timplimentax inizjattiva globali, prijorità tal-politika tal-Unjoni jew obbligu jew impenn internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmija fl-Artikolu 6 (2), u l-azzjoni ma jkollhiex il-karatteristiċi biex tissodisfa l-kriterji tal-ODA.

4.   Mingħajr ħsara għall-punt (a) tal-paragrafu 3, mill-inqas 95 % tan-nefqa prevista taħt il-programmi tematiċi u mill-inqas 90 % tan-nefqa prevista taħt il-programm Pan-Afrikan għandhom jissodisfaw il-kriterji tal-ODA stabbiliti mill-OECD/DAC.

5.   L-azzjonijiet koperti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 (15) u eliġibbli għal finanzjament taħt dak ir-Regolament ma għandhomx, fil-prinċipju, jiġu ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, ħlief fejn ikun hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kontinwità tal-kooperazzjoni minn kriżi għal kundizzjonijiet stabbli għall-iżvilupp. F'dawk il-każijiet, għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali sabiex ikun żgurat li s-sokkors umanitarju, ir-riabilitazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp ikunu marbuta b'mod effettiv.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   L-Unjoni tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, permezz ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni sħab.

2.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jkun segwit approċċ differenzjat fost il-pajjiżi sħab, sabiex ikun żgurat li huma jiġu pprovduti b'kooperazzjoni speċifika, imfassla apposta għalihom, ibbażata fuq:

(a)

il-bżonnijiet tagħhom, abbażi tal-kriterji bħall-popolazzjoni, id-dħul per capita u l-livell ta' faqar, id-distribuzzjoni tad-dħul u l-livell ta' żvilupp tal-bniedem;

(b)

il-kapaċitajiet tagħhom li jiġġeneraw u jaċċessaw riżorsi finanzjarji u l-kapaċitajiet tagħhom li jużaw tali finanzi; u

(c)

l-impenji u l-prestazzjoni tagħhom, abbażi ta' kriterji u indikaturi, bħall-progress politiku, ekonomiku u soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-progress fir-rigward ta' governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem u l-użu effikaċi tal-għajnuna, partikolarment il-mod kif pajjiż juża riżorsi skarsi għall-iżvilupp, billi jibda mir-riżorsi tiegħu stess; u

(d)

l-impatt potenzjali tal-għajnuna mill-UE f'pajjiżi sħab.

Il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, b'mod partikolari l-pajjiżi bl-inqas żvilupp u l-pajjiżi b'introjtu baxx, kif ukoll il-pajjiżi fi stati ta' kriżi, ta' wara kriżi u f'sitwazzjoni fraġli u vulnerabbli, għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tal-allokazzjoni tar-riżorsi.

Kriterji bħall-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem, l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika u indiċijiet rilevanti oħra, inkluż għall-kejl tal-faqar u l-inugwaljanza fil-pajjiżi, għandhom jitqiesu biex isejsu l-analiżi u l-identifikazzjoni tal-pajjiżi l-aktar fil-bżonn.

3.   Fil-programmi kollha, għandhom jiġu integrati kwistjonijiet trasversali kif iddefiniti fil-Konsensus Ewropew. Barra minn hekk, fejn ikun rilevanti għandhom jiġu integrati l-prevenzjoni tal-konflitti, ix-xogħol deċenti u t-tibdil fil-klima.

Il-kwistjonijiet trasversali msemmija fl-ewwel subparagrafu huma mifhuma li jinkludu d-dimensjonijiet li ġejjin, li għandha tingħata attenzjoni speċifika għalihom fejn iċ-ċirkostanzi jirrikjedu hekk: in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranza, id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, id-drittijiet tal-persuni b'mard li jipperikola l-ħajja u gruppi vulnerabbli oħra, drittijiet ċentrali tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali, l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-istat tad-dritt, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-parlamenti u s-soċjetà ċivili, u l-promozzjoni tad-djalogu, il-parteċipazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, kif ukoll il-bini ta' istituzzjonijiet, inkluż fil-livell lokali u reġjonali.

4.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom ikunu żgurati l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u l-konsistenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u mal-politiki l-oħra rilevanti tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 208 TFUE.

F'dan ir-rigward, il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament, inklużi dawk ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), għandhom ikunu bbażati fuq il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp stabbiliti fi strumenti bħal ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjanijiet ta' azzjoni bejn l-Unjoni u l-pajjiżi sħab u r-reġjuni kkonċernati, kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet, l-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji rilevanti tal-Unjoni.

5.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari u frekwenti ta' informazzjoni, inkluż ma' donaturi oħra, u jippromwovu kordinazzjoni u komplementarjetà aħjar bejn id-donaturi billi jaħdmu għal ipprogrammar pluriennali konġunt ibbażat fuq l-istrateġiji tal-pajjiżi sħab għat-tnaqqis tal-faqar jew strateġiji ekwivalenti għall-iżvilupp. Huma jistgħu jwettqu azzjoni konġunta, inkluża analiżi ta' u rispons konġunt għal dawn l-istrateġiji li jidentifikaw setturi prijoritarji ta' intervent u diviżjoni tax-xogħol fil-pajjiż, permezz ta' missjonijiet konġunti bejn id-donaturi kollha u bl-użu ta' arranġamenti ta' kofinanzjament u ta' kooperazzjoni delegata.

6.   L-Unjoni għandha tippromwovi approċċ multilaterali għall-isfidi globali u għandha tikkoopera mal-Istati Membri f'dak ir-rigward. Fejn ikun xieraq, hija għandha trawwem il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet u korpi internazzjonali u donaturi bilaterali oħra.

7.   Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, minn naħa waħda, u l-pajjiżi sħab, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu bbażati fuq u għandhom jippromwovu l-valuri komuni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt kif ukoll il-prinċipji tal-appartenenza u ta' responsabbiltà reċiproka.

Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi sħab għandhom jikkunsidraw l-impenn tagħhom u r-rekord fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet internazzjonali u relazzjonijiet kontrattwali mal-Unjoni.

8.   L-Unjoni għandha tippromwovi kooperazzjoni effettiva mal-pajjiżi u r-reġjuni sħab bi qbil mal-aħjar prattika internazzjonali. Hija għandha tallinja s-sostenn tagħha mal-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali jew reġjonali, mal-politiki u l-proċeduri ta' riforma kull fejn ikun possibbli, u ssostni sjieda demokratika kif ukoll l-obbligu ta' rendikont domestiku u reċiproku. Għal dak il-għan, hija għandha tippromwovi:

(a)

proċess ta' żvilupp li jkun trasparenti u mmexxi minn u jappartjeni għal pajjiż jew reġjun sieħeb, inkluża l-promozzjoni tal-għarfien espert lokali;

(b)

(ġdid) approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, kemm jekk ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, biex ikunu integrati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, ikunu megħjuna l-pajjiżi sħab fl-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u jingħata appoġġ lid-detenturi tad-drittijiet, b'iffokar fuq gruppi foqra u vulnerabbli, meta jasserixxu d-drittijiet tagħhom;

(c)

l-għoti ta' setgħa lill-popolazzjoni ta' pajjiżi sħab, approċċi inklużivi u parteċipatorji għall-iżvilupp u l-involviment wiesa' tas-segmenti kollha tas-soċjetà fil-proċess tal-iżvilupp u fid-djalogu nazzjonali u reġjonali, inkluż id-djalogu politiku. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-rwoli rispettivi tal-parlamenti, tal-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili, inter alia dwar il-parteċipazzjoni, is-sorveljanza u r-responsabbiltà;

(d)

modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni effettivi kif stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, f'konformità mal-aħjar prattiki tal-OECD/DAC, inkluż l-użu ta' strumenti innovattivi bħat-taħlita ta' għotjiet u self u mekkaniżmi oħra għall-kondiviżjoni tar-riskju f'setturi u pajjiżi magħżula u l-involviment tas-settur privat, b'kont debitu meħud għall-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn, in-numru ta' mekkaniżmi bħal dawn, u l-ħtieġa għal valutazzjoni sistematika tal-impatt f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-faqar.

Il-programmi kollha, interventi u modalitajiet u strumenti ta' kooperazzjoni għandhom ikunu adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' kull pajjiż jew reġjun sieħeb, b'iffukar fuq approċċi bbażati fuq il-programmi, il-kunsinna ta' finanzjament prevedibbli ta' għajnuna, fuq il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi privati, inklużi dawk mis-settur privat lokali, l-aċċess universali u mhux diskriminatorju għas-servizzi bażiċi, u l-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-pajjiż;

(e)

il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku permezz tat-tisħiħ ta' politika fiskali tal-pajjiżi sħab bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u d-dipendenza fuq l-għajnuna;

(f)

titjib fl-impatt tal-politiki u l-ipprogrammar permezz ta' koordinazzjoni, konsistenza u armonizzazzjoni bejn id-donaturi sabiex jinħolqu sinerġiji u jitnaqqsu l-elementi ta' duplikazzjoni, sabiex tittejjeb il-komplementarjetà u biex jiġu sostnuti inizjattivi bejn id-donaturi kollha;

(g)

il-koordinazzjoni f'pajjiżi u reġjuni sħab bl-użu ta' linji gwida u prinċipji tal l-aħjar prattika dwar l-effikaċja tal-koordinazzjoni u l-għajnuna;

(h)

approċċi għall-iżvilupp ibbażati fuq ir-riżultati anki permezz tal-użu ta' oqfsa tar-riżultati trasparenti fil-livell tal-pajjiżi, ibbażati fuq, fejn ikun xieraq, il-miri u l-indikaturi miftiehma internazzjonalment bħal dawk tal-MDGs, biex ikunu evalwati u kkomunikati r-riżultati, inklużi l-outputs, l-eżiti u l-impatt tal-għajnuna għall-iżvilupp.

9.   L-Unjoni għandha tappoġġa, kif ikun xieraq, l-implimentazzjoni ta' kooperazzjoni u djalogu bilaterali, reġjonali u multilaterali, id-dimensjoni ta' żvilupp ta' ftehimiet ta' sħubija, u kooperazzjoni triangolari. L-Unjoni għandha tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar.

10.   Il-Kummissjoni għandha tinforma u għandu jkollha skambji ta' opinjonijiet regolari mal-Parlament Ewropew.

11.   Il-Kummissjoni għandha jkollha skambji ta' informazzjoni regolari mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali.

12.   Fl-attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha l-Unjoni għandha tuża u tikkondividi, kif ikun xieraq, l-esperjenzi ta' riforma u tranżizzjoni tal-Istati Membri u t-tagħlimiet miksuba.

13.   L-assistenza mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tintuża biex jiġi ffinanzjat l-akkwist ta' armi jew munizzjon, jew operazzjonijiet li jkollhom skopijiet militari jew ta' difiża.

TITOLU II

PROGRAMMI

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-Assistenza mill-Unjoni

L-assistenza mill-Unjoni għandha tiġi implimentata, f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014 permezz ta':

(a)

programmi ġeografiċi;

(b)

permezz ta' programmi tematiċi, li jikkonsistu fi:

(i)

programm ’Beni u Sfidi Pubbliċi Globali’, u

(ii)

programm ’Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u Awtoritajiet Lokali’, u

(c)

programm Pan-Afrikan.

Artikolu 5

Programmi ġeografiċi

1.   L-attivitajiet ta' kooperazzjoni tal-Unjoni skont dan l-Artikolu għandhom ikunu implimentati għal attivitajiet ta' natura nazzjonali, reġjonali, transreġjonali u kontinentali.

2.   Programm ġeografiku għandu jinkludi kooperazzjoni f'oqsma adatti ta' attività:

(a)

fuq bażi reġjonali ma' pajjiżi sħab imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1), b'mod partikolari bil-għan li jittaffa l-impatt tal-gradwazzjoni f'pajjiżi sħab li juru inugwaljanzi kbar u li qed jiżdiedu; jew

(b)

fuq bażi bilaterali:

(i)

ma' pajjiżi sħab li mhumiex pajjiżi b'introjtu medju-għoli fuq il-lista ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw tal-OECD/DAC jew li m'għandhomx prodott domestiku gross ogħla minn wieħed fil-mija tal-prodott domestiku gross globali;

(ii)

f'każijiet eċċezzjonali, inkluż bil-ħsieb tat-tnaqqis gradwali ta' għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp, kooperazzjoni bilaterali tista' titwettaq ukoll ma' għadd limitat ta' pajjiżi sħab meta dan ikun debitament ġustifikat skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2). Il-waqfien gradwali għandu jsir f'koordinament mill-qrib ma' donaturi oħra. It-terminazzjoni ta' dik it-tip ta' kooperazzjoni għandu jiġi akkumpanjat, kull fejn ikun xieraq, minn djalogu politiku mal-pajjiżi kkonċernati, b'emfażi fuq il-bżonnijiet tal-gruppi l-aktar fqar u l-aktar vulnerabbli.

3.   Sabiex jinkisbu l-objettivi previsti fl-Artikolu 2, il-programmi geografiċi għandhom joħorġu mill-oqsma ta' kooperazzjoni fil-Konsensus Ewropew u l-modifiki li sussegwentement sarulu wara qbil kif ukoll mill-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin:

(a)

id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba:

(i)

id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

(ii)

l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti ta' setgħa u opportunitajiet ugwali għan-nisa;

(iii)

il-ġestjoni tas-settur pubbliku fil-livell ċentrali u lokali;

(iv)

il-politika u l-amministrazzjoni fiskali;

(v)

il-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

(vi)

is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali;

(vii)

il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal

(b)

tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem:

(i)

is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-impjiegi u l-kultura;

(ii)

l-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq dinjija;

(iii)

l-agrikoltura sostenibbli, ikel u sigurtà tan-nutrizzjoni;

(iv)

l-enerġija sostenibbli;

(v)

il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, inkluż l-art, il-forestrija u l-ilma;

(vi)

it-tibdil fil-klima u l-ambjent.

(c)

oqsma oħra sinifikanti għall-iżvilupp:

(i)

il-migrazzjoni u l-ażil;

(ii)

ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

(iii)

ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri;

(iv)

l-iżvilupp u s-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni ta' konflitti.

4.   Aktar dettalji dwar l-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jinsabu fl-Anness I.

5.   F'kull programm bilaterali, l-Unjoni fil-prinċipju għandha tikkonċentra l-assistenza tagħha fuq massimu ta' tliet setturi, li dwarhom għandu jsir qbil mal-pajjiż sieħeb konċernat fejn ikun possibbli.

Artikolu 6

Programmi tematiċi

1.   L-azzjonijiet li jsiru permezz tal-programmi tematiċi għandhom iżidu l-valur għal, u jkunu komplementari għal, u koerenti ma', l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programmi ġeografiċi.

2.   Għallinqas waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin għandha tapplika għall-ipprogrammar tal-azzjonijiet tematiċi:

(a)

L-objettivi tal-politika tal-Unjoni skont dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b'mod xieraq jew effettiv permezz ta' programmi ġeografiċi, inkluż, fejn ikun xieraq, fejn m'hemm l-ebda programm ġeografiku jew fejn ġie sospiż jew fejn m'hemm l-ebda ftehim dwar l-azzjoni mal-pajjiż sieħeb ikkonċernat;

(b)

l-azzjonijiet jindirizzaw inizjattivi globali li jsostnu għanijiet tal-iżvilupp maqbula fuq bażi internazzjonali jew beni pubbliċi globali u sfidi globali;

(c)

l-azzjonijiet għandhom natura multireġjonali, multipajjiż u/jew trażversali;

(d)

l-azzjonijiet jimplimentaw politiki innovattivi jew inizjattivi bl-objettiv li jispiraw azzjonijiet futuri;

(e)

l-azzjonijiet jirriflettu prijorità tal-politika tal-Unjoni jew obbligu jew impenn internazzjonali tal-Unjoni rilevanti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

3.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, l-azzjonijiet tematiċi għandhom jibbenefikaw direttament lil pajjiżi u territorji speċifikati fil-punt (b) tal-Artikolu 1(1) u għandhom jitwettqu f'dawn il-pajjiżi jew territorji. Dawk l-azzjonijiet jistgħu jitwettqu barra minn dawk il-pajjiżi jew territorji meta dan ikun l-aktar mod effettiv li jinkisbu l-objettivi tal-programm ikkonċernat.

Artikolu 7

Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali

1.   L-objettiv tal-assistenza mill-Unjoni taħt il-programm ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’ għandu jkun li tappoġġa azzjonijiet f'oqsma li għandhom jidderivaw minn:

(a)

l-ambjent u t-tibdil fil-klima;

(b)

l-enerġija sostenibbli;

(c)

l-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi x-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-kultura;

(d)

is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli; u

(e)

il-migrazzjoni u l-ażil.

2.   Aktar dettalji dwar l-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jinsabu fil-Parti A tal-Anness II.

Artikolu 8

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali

1.   L-objettiv tal-għajnuna mill-Unjoni taħt il-programm ’Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u Awtoritajiet Lokali’ hu li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali f'pajjiżi sħab u, meta jkun previst f'dan ir-Regolament, fl-Unjoni u l-benefiċjarji eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 231/2014.

L-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati għandhom jitwettqu primarjament mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali. Fejn ikun xieraq, biex jiżgura l-effikaċja tagħhom, dawk l-azzjonijiet jistgħu jsiru minn atturi oħra għall-benefiċċju tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali kkonċernati.

2.   Aktar dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt dan l-Artikolu jinsabu fil-Parti B tal-Anness II.

Article 9

Programm Pan-African

1.   L-objettiv tal-għajnuna mill-Unjoni taħt il-programm 'Pan-Afrikan għandu jkun li jingħata appoġġ lis-sħubija strateġika Afrika, u l-modifiki u żidiet sussegwenti fih, biex ikopri l-attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fl-Afrika u mal-Afrika.

2.   Il-programm Pan-Afrikan għandu jkun komplementari u konsistenti ma' programmi oħra taħt dan ir-Regolament, kif ukoll strumenti oħrajn tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat.

3.   Aktar dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni taħt dan l-Artikolu jinsabu fl-Anness III.

TITOLU III

PROGRAMMAR U ALLOKAZZJONI TA' FONDI

Artikolu 10

Qafas ġenerali

1.   Għall-programmi ġeografiċi, għandhom jitfasslu programmi indikattivi pluriennali għall-pajjiżi u r-reġjuni sħab abbażi tad-doskument strateġiku, kif provdut fl-Artikolu 11.

Għall-programmi tematiċi, il-programmi indikattivi Pluriennali għandhom jitfasslu kif ipprovdut fl-Artikolu 13.

Il-programm indikattiv pluriennali Pan-Afrikan għandu jitfassal kif previst fl-Artikolu 14.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 abbażi tad-dokumenti tal-ipprogrammar imsemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14.

3.   L-appoġġ mill-Unjoni jista' jieħu l-forma ta' miżuri mhux koperti fid-dokumenti tal-ipprogrammar msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 ta' dan ir-Regolament, kif previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

4.   L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin fl-istadju bikri u fit-tul kollu tal-proċess tal-ipprogrammar sabiex jippromwovu l-koerenza, il-komplementarjetà u l-konsistenza fost l-attivitajiet ta' kooperazzjoni tagħhom. Tali konsultazzjoni tista' twassal għal programmar konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll lil donaturi u atturi oħra tal-iżvilupp inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet lokali u entitajiet oħra tal-implimentazzjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jkun informat.

5.   L-ipprogrammar taħt dan ir-Regolament għandu jqis kif dovut id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi sħab.

6.   Jistgħu jitħallew mhux allokati fondi previsti minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat rispons xieraq tal-Unjoni f'każ ta' ċirkostanzi mhux imbassra, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet fraġli ta' kriżi jew ta' wara kriżi, kif ukoll biex tkun tista' ssir is-sinkronizzazzjoni maċ-ċikli strateġiċi tal-pajjiżi sħab u l-adattament ta' allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi bħala riżultat tar-reviżjonijiet li jsiru taħt l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 13 (2) u l-Artikolu 14 (3). Suġġett għall-allokazzjoni jew ir-riallokazzjoni sussegwenti tagħhom skont il-proċeduri previsti fl-Artikolu 15, l-użu ta' dawn il-fondi għandu jiġi deċiż f'data iktar tard skont ir-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Il-parti tal-fondi li titħalla mhux allokata fil-livell ta' kull tip ta' programm ma għandhiex tkun iżjed minn 5 %, ħlief għal finijiet ta' sinkronizzazzjoni u għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 12(1).

7.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 2(3), il-Kummissjoni tista' tinkludi allokazzjoni finanzjarja speċifika biex tgħin lil pajjiżi u reġjuni sħab isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom ma' reġjuni ultraperiferiċi ġirien tal-Unjoni.

8.   Kwalunkwe pprogrammar jew reviżjoni ta' programmi li jsiru wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' nofs it-terminu imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 għandhom jieħdu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 11

Dokumenti ta' pprogrammar għal programmi ġeografiċi

1.   It-tħejjija, l-implimentazzjoni u r-rieżami tad-dokumenti kollha tal-ipprogrammar taħt dan l-Artikolu għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp u dawk tal-effikaċja tal-għajnuna: jiġifieri, sjieda demokratika, sħubija, koordinament, armonizzazzjoni, allinjament mas-sistemi ta' pajjiż jew reġjun sieħeb, trasparenza, obbligu ta' rendikont reċiproku u orjentazzjoni lejn ir-riżultati kif stipulatfl-Artikolu 3(4) sa (8). Fejn ikun possibbli, il-perjodu tal-ipprogrammar għandu jiġi sinkronizzat maċ-ċikli tal-istrateġija tal-pajjiż imsieħeb.

Dokumenti tal-ipprogrammar għal programmi ġeografiċi, inklużi dokumenti konġunti ta' programmar, għandhom jiġu bbażati, sal-livell l-aktar possibbli, fuq djalogu bejn l-Unjoni, l-Istati Membri u l-pajjiż jew ir-reġjun imsieħeb ikkonċernat, inklużi l-parlamenti nazzjonali u reġjonali, u għandhom jinvolvu s-soċjetà civili u l-awtoritajiet lokali u partijiet oħra, sabiex tittejjeb is-sjieda tal-proċess u jiġi inkoraġġut l-appoġġ għall-istrateġiji tal-iżvilupp nazzjonali, partikolarment għal dawk immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom ikunu mfassla mill-Unjoni għall-pajjiż jew reġjun sieħeb ikkonċernat sabiex tipprovdi qafas koerenti għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-Unjoni, u dak il-pajjiż jew reġjun sieħeb, b'mod konsistenti mal-għan u l-kamp ta' applikazzjoni ġenerali, l-objettivi, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet ta' politika li jinsabu f'dan ir-Regolament.

3.   M'għandu jkun meħtieġ ebda dokument ta' strateġija għal:

(a)

pajjiżi li jkollhom strateġija nazzjonali għall-iżvilupp fil-forma ta' pjan nazzjonali dwar l-iżvilupp jew dokument simili dwar l-iżvilupp, aċċettat mill-Kummissjoni bħala bażi għall-programm indikattiv pluriennali korrispondenti, fiż-żmien li jiġi adottat dan id-dokument tal-aħħar;

(b)

pajjiżi jew reġjuni li għalihom ikun tfassal dokument qafas konġunt li jipprovdi strateġija komprensiva tal-Unjoni, inkluż kapitolu speċifiku dwar il-politika għall-iżvilupp;

(c)

pajjiżi jew reġjuni li għalihom ikun ġie miftiehem dokument ta' programmar pluriennali konġunt bejn l-Unjoni u l-Istati Membri;

(d)

reġjuni li jkollhom strateġija maqbula b'mod konġunt mal-Unjoni;

(e)

pajjiżi fejn l-Unjoni beħsiebha tissinkronizza l-istrateġija tagħha ma' ċiklu nazzjonali ġdid li jibda qabel l-1 ta' Jannar 2017; f'każijiet bħal dawn il-programm indikattiv pluriennali għall-perjodu interim bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-bidu taċ-ċiklu nazzjonali ġdid għandu jkun fih ir-risposta tal-Unjoni għal dak il-pajjiż.

(f)

il-pajjiżi jew reġjuni li jirċievu allokazzjoni ta' fondi mill-Unjoni taħt dan ir-Regolament li ma taqbiżx EUR 50 000 000 għall-perjodu 2014-2020.

Fil-każijiet msemmija fil-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu, il-programm indikattiv pluriennali għall-pajjiż jew reġjun konċernat għandu jinkludi l-istrateġija tal-Unjoni dwar l-iżvilupp għal dak il-pajjiż jew reġjun.

4.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu riveduti f'nofs it-terminu tagħhom jew ad hoc kif ikun neċessarju, f'konformità, kif ikun adatt, mal-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fil-ftehimiet ta' sħubija u kooperazzjoni konklużi mal-pajjiż jew reġjun ikkonċernat.

5.   Għandhom jitfasslu programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi għal kull wieħed mill-pajjiżi jew reġjuni li jirċievu allokazzjoni finanzjarja indikattiva ta' fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament. Ħlief għal pajjiżi jew reġjuni msemmija fil-punti eb) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, dawn id-dokumenti għandhom ikunu mfassla abbażi tad-dokumenti ta' strateġija jew dokumenti ekwivalenti kif imsemmija fil-paragrafu 3.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, id-dokument ta' programmar konġunt pluriennali previst fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jista' jkun ikkunsidrat bħala l-programm indikattiv pluriennali sakemm ikun konformi mal-prinċipji u l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu, inkluż allokazzjoni indikattiva ta' fondi, u bil-proċeduri pprovduti għalihom fl-Artikolu 15.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta' prijorità magħżula għal finanzjament mill-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti, l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, kemm globalment u għal kull qasam ta' prijorità u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi pluriennali f'kull programm ġeografiku skont il-prinċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2), u billi tikkunsidra, flimkien mal-ispeċifiċitajiet tal-programmi differenti, id-diffikultajiet partikolari ffaċċjati minn pajjiżi jew reġjuni fi kriżi, sitwazzjonijiet ta' vulnerabbiltà, fraġilità, kunflitt jew suxxettibbli għal diżastri.

Fejn ikun xieraq, l-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu jingħataw fil-forma ta' firxa u/jew xi fondi jistgħu jibqgħu mhux allokati. Ma tista' tkun prevista ebda allokazzjoni finanzjarja indikattiva lil hinn mill-perijodu 2014 — 2020, sakemm ma tkunx suġġetta speċifikament għad-disponibbiltà tar-riżorsi lil hinn minn dak il-perjodu.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi ġeografiċi jistgħu jiġu riveduti fejn ikun meħtieġ, inkluż għall-implimentazzjoni effettiva, b'kont meħud ta' reviżjonijiet ta' nofs il-perjodu jew ad hoc tad-dokument ta' strateġija li jkunu bbażati fuqu.

L-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, prijoritajiet, objettivi speċifiċi, riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna jistgħu wkoll jiġu adattati b'riżultat tar-reviżjonijiet, b'mod partikolari f'sitwazzjoni ta' wara kriżi.

Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ikopru ħtiġijiet kif ukoll l-impenn u l-progress fir-rigward tal-objettivi maqbula għall-iżvilupp, inklużi dawk li jirriferu għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba.

6.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-ipprogrammar konġunt mal-Istati Membri fir-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u għandha tinkludi rakkomandazzjonijiet f'każijiet fejn l-ipprogrammar konġunt ma jkunx inkiseb għal kollox.

Artikolu 12

L-ipprogrammar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità

1.   Meta jfasslu d-dokumenti ta' pprogrammar għal pajjiżi u reġjuni f'sitwazzjonijiet ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità jew li huma suxxettibbli għal diżastri naturali, għandhom ikunu debitament ikkunsidrati l-vulnerabbiltà, il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi speċjali tal-pajjiżi jew ir-reġjuni kkonċernati.

Għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-prevenzjoni ta' kunflitti, il-bini tal-istat u tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni wara konflitti u l-miżuri ta' rikostruzzjoni, kif ukoll lir-rwol tan-nisa u d-drittijiet tat-tfal f'dawk il-proċessi.

Fejn pajjiżi jew reġjuni sħab ikunu direttament involuti fi, jew affettwati minn sitwazzjoni ta' kriżi, ta' wara kriżi jew ta' fraġilità, għandha titpoġġa enfasi speċjali sabiex tiżdied il-kordinazzjoni bejn is-sokkors, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp bejn l-atturi rilevanti kollha biex tiġi megħjuna t-transizzjoni minn sitwazzjoni ta' emerġenza għall-fażi ta' żvilupp.

Id-dokumenti ta' pprogrammar għall-pajjiżi u r-reġjuni f'sitwazzjoni ta' fraġilità jew suġġetti għal diżastri naturali għandhom jipprovdu għall-preparazzjoni u l-prevenzjoni tad-diżastri u għall-immaniġġar tal-konsegwenzi ta' dawn id-diżastri u għandhom jindirizzaw il-vulnerabbiltà għax-xokkijiet u jsaħħu r-reżiljenza.

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, bħal kriżijiet jew perikli imminenti għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista tadotta atti ta' implimentazzjoni immedjatament applikabbli taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 biex jiġu modifikati karti ta' strateġija u programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

Dawn ir-reviżjonijiet jistgħu jipproponu strateġija speċifika u adattata sabiex tiżgura kooperazzjoni u żvilupp għat-tul, li tippromwovi kordinament u transizzjoni aħjar bejn l-istrumenti umanitarji u ta' politika għall-iżvilupp.

Artikolu 13

Dokumenti ta' pprogrammar għal programmi tematiċi

1.   Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jipprovdu l-istrateġija tal-Unjoni għat-tema kkonċernata u, fir-rigward tal-programm Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali, għal kull qasam ta' kooperazzjoni, il-prijoritajiet magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet tas-sħab ewlenin u, fejn ikun applikabbli, il-modalitajiet tal-għajnuna.

Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet fir-rigward tar-riżorsi u l-interventi għall-parteċipazzjoni f'inizjattivi globali.

Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu komplementari għall-programmi ġeografiċi u għandhom ikunu konsistenti mad-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jagħtu l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, b'mod globali, skont il-qasam tal-kooperazzjoni u skont il-prijorità. Fejn ikun xieraq, l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tista' tingħata fil-forma ta' firxa u/jew xi fondi jistgħu jibqgħu mhux allokati.

Il-programmi indikattivi pluriennali għall-programmi tematiċi għandhom jiġu riveduti fejn ikun neċessarju għal implimentazzjoni effettiva tal-politika, billi jitqiesu r-reviżjonijiet ta' nofs it-terminu jew ad hoc.

Allokazzjonijiet indikattivi, prijoritajiet, riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna jistgħu wkoll jiġu adattati b'riżultat tar-reviżjonijiet.

Artikolu 14

Dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan

1.   It-tħejjija, l-implimentazzjoni u r-reviżjoni tad-dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna kif stipulati fl-Artikolu 3(4) sa (8).

Id-dokumenti tal-ipprogrammar għall-programm Pan-Afrikan għandhom ikunu bbażati fuq djalogu li jinvolvi l-partijiet interessati kollha rilevanti, bħall-Parlament Pan-Afrikan.

2.   Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jipprovdi l-prijoritajiet magħżula għall-finanzjament, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, speċifiċi u trasparenti u, fejn ikun applikabbli, modalitajiet tal-għajnuna.

Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jkun koerenti mal-programmi ġeografiċi u tematiċi.

3.   Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan għandu jagħti l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi, b'mod globali, skont il-qasam tal-attività u skont il-prijorità. Fejn ikun xieraq, l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva tista' tingħata fil-forma ta' firxa.

Il-programm indikattiv pluriennali għall-programm Pan-Afrikan jista' jiġi rivedut fejn ikun meħtieġ, sabiex iwieġeb għal sfidi mhux previsti jew problemi ta' implimentazzjoni, u sabiex iqis kwalunkwe reviżjoni tas-sħubija strateġika.

Artikolu 15

Approvazzjoni tad-dokumenti ta' strateġija u adozzjoni tal-programmi indikattivi pluriennali

1.   Il-Kummissjoni għandha tapprova d-dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11 u għandha tadotta programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżaminazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014. Dik il-proċedura għandha tapplika wkoll għal reviżjonijiet li jkollhom l-effett li jimmodifikaw b'mod sinifikanti l-istrateġija jew l-ipprogrammar tagħha.

2.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati, bħal kriżijiet jew perikli imminenti għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista tirrivedi dokumenti ta' strateġija msemmija fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament u programmi indikattivi pluriennali msemmija fl-Artikoli 11, 13 u 14 ta' dan ir-Regolament taħt il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Parteċipazzjoni minn pajjiż terz mhux eliġibbli taħt dan ir-Regolament

F'ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, u mingħajr ħsara għall-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament, sabiex tkun żgurata l-koerenza u l-effikaċja tal-finanzjament mill-Unjoni jew sabiex titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali jew transreġjonali, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, fi ħdan il-programmi indikattivi pluriennali skont l-Artikolu 15 ta' dan ir-Regolament jew l-atti ta' implimentazzjoni rilevanti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, li testendi l-eliġibbiltà ta' azzjonijiet għal pajjiżi u territorji li altrimenti ma jkunux eliġibbli għall-finanzjament skont l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, fejn l-azzjoni għall-implimentazzjoni tkun ta' natura globali, reġjonali, transreġjonali jew transkonfinali.

Artikolu 17

Delega ta' setgħa lill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 18 biex temenda:

(a)

id-dettalji tal-oqsma ta' kooperazzjoni msemmija fi:

(i)

l-Artikolu 5(3) kif stabbilit fil-Parti A u Parti B tal-Anness I;

(ii)

l-Artikolu 7(2) kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness II;

(iii)

l-Artikolu 8(2) kif stabbilit fil-Parti B tal-Anness II;

(iv)

l-Artikolu 9(3) kif stabbilit fl-Anness III, b'mod partikolari b'segwitu għas-Summits Afrika-UE

(b)

l-allokazzjonijiet finanzjarji indikattivi taħt il-Programmi ġeografiċi u taħt il-programm tematiku ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’, kif stabbilit fl-Anness IV. L-emendi ma għandhomx ikollhom l-effett li jnaqqsu l-ammont inizjali b'aktar minn 5 %, ħlief għall-allokazzjonijiet taħt il-punt (b) tal-Anness IV(1).

2.   B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, u fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tadotta l-atti ddelegati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 18

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 17 hija mogħtija lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 17 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għanhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 17 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 19

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (il-“kumitat tad-DCI”). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Osservatur mill-BEI għandu jieħu sehem fil-proċeduri tal-kumitat tad-DCI dwar dawk il-kwistjonijiet li jkunu jikkonċernaw lill-BEI

Artikolu 20

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perjodu 2014-2020 għandu jkun ta' EUR 19 661 639 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   L-ammonti indikattivi allokati għal kull programm imsemmi fl-Artikoli 5 sa 9 għall-perjodu 2014-2020 huma stabbiliti fl-Anness IV.

3.   Konformement mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), għandu jkun allokat ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew għall-Viċinat, l-Istrument ta' Sħubija u l-Istrument ta' Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni) għal azzjonijiet fir-rigward ta' mobbiltà għal skopijiet ta' tagħlim lejn jew minn pajjiżi sħab fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, u għal kooperazzjoni u djalogu dwar politika ma' awtoritajiet, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandhom japplikaw għall-użu ta' dawk il-fondi.

Il-finanzjament għandu jsir disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jifdal rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandu jkun rifless fl-ipprogrammar indikattiv pluriennali previst f'dan ir-Regolament, skont il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti fil-każ ta' ċirkostanzi maġġuri mhux previsti jew bidliet politiċi importanti skont il-prijoritajiet esterni tal-Unjoni.

4.   Il-finanzjament taħt dan ir-Regolament għal azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jisboq EUR 707 000 000. Il-fondi għandhom jinħarġu mill-allokazzjonijiet finanzjarji għall-programmi ġeografiċi, u għandhom ikunu speċifikati d-distribuzzjoni reġjonali mistennija u t-tipi ta' azzjoni. Il-finanzjament taħt dan ir-Regolament immirat għall-finanzjament ta' azzjonijiet koperti mir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu jintuża għal azzjonijiet għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab koperti minn dan ir-Regolament, b'attenzjoni partikolari mogħtija lill-ifqar pajjiżi. L-azzjonijiet ta' mobbiltà għal studenti u persunal iffinanzjati permezz tal-allokazzjoni minn dan ir-Regolament, għandhom jiffokaw fuq oqsma li huma rilevanti għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

5.   Il-Kummissjoni għandha tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014, lista tal-azzjonijiet kollha msemmija fil-poaragrafu 3 ta' dan l-Artikolu li l-finanzjament għalihom huwa dderivat minn dan ir-Regolament, inkluża l-konformità tagħhom mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(4)  ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.

(5)  Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (ara l-paġna 77 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għal azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(9)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(12)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) (ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(14)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tas-25 ta' Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta'Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1).

(16)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).


ANNESS I

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI ĠEOGRAFIĊI

A.   OQSMA KOMUNI TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI ĠEOGRAFIĊI

Il-programmi ġeografiċi għandhom jinsiltu mill-oqsma ta' kooperazzjoni mniżżlin hawn taħt, li m'għandhomx jitqiesu l-istess bħas-setturi. Se jkunu stabbiliti prijoritajiet skont l-impenji internazzjonali fil-qasam tal-politika dwar l-iżvilupp li l-Unjoni tkun involuta fihom, b'mod partikolari l-MDGs u miri ġodda għall-iżvilupp għall-wara l-2015 maqbula internazzjonalment li jimmodifikaw jew jissostitwixxu l-MDGs, u abbażi ta' djalogu ta' politika ma' kull pajjiż jew reġjun sħab eliġibbli.

I.   Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba

(a)   Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt

(i)

l-appoġġ tad-demokratizzazzjoni u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, inkluż ir-rwol tal-parlamenti;

(ii)

it-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji u ta' protezzjoni u l-iżgurar ta' aċċess għall-ġustizzja bla tfixkil u ugwali għal kullħadd,

(iii)

l-appoġġ tal-funzjonament trasparenti u responsabbli tal-istituzzjonijiet u d-deċentralizzazzjoni; il-promozzjoni ta' djalogu soċjali parteċipatorju fil-pajjiż u djalogi oħrajn dwar il-governanza u d-drittijiet tal-bniedem,

(iv)

il-promozzjoni tal-libertà tal-mezzi tal-informazzjoni, inkluż għal mezzi ta' komunikazzjoni moderni,

(v)

il-promozzjoni tal-pluraliżmu politiku, il-ħarsien tad-drittijiet ċivili, kulturali, ekonomiċi, politiċi u soċjali u l-ħarsien ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi u lill-gruppi l-aktar vulnerabbli,

(vi)

l-appoġġ tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-prattiki diskriminatorji għal kwalunkwe raġuni, fost l-oħrajn, abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika, il-kasta, ir-reliġjon jew it-twemmin, is-sess, l-identità tal-ġeneru, jew l-orjentazzjoni sesswali, l-affiljazzjoni soċjali, id-diżabbiltà, l-istatus tas-saħħa jew l-età,

(vii)

il-promozzjoni tar-reġistrazzjoni ċivili, speċjalment ir-reġistrazzjoni tat-twelid u l-mewt.

(b)   L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-għoti ta' setgħa u opportunitajiet ugwali għan-nisa

(i)

il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ekwità,

(ii)

il-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet, inkluż permezz ta' azzjonijiet kontra ż-żwieġ tat-tfal u prattiki tradizzjonali oħra ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili u kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza sessista,

(iii)

il-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa lin-nisa, inkluż fir-rwoli tagħhom bħala atturi għall-iżvilupp u bennejja tal-paċi.

(c)   Il-ġestjoni tas-settur pubbliku fil-livell ċentrali u lokali

(i)

l-appoġġ tal-iżvilupp tas-settur pubbliku bl-iskop tat-tisħiħ tal-aċċess universali u mhux diskriminatorju għal servizzi bażiċi, speċjalment is-saħħa u l-edukazzjoni,

(ii)

l-appoġġ ta' programmi biex itejbu l-formulazzjoni tal-politika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, inklużi t-twaqqif u t-tisħiħ ta' korpi u miżuri ta' verifika, kontroll u kontra l-frodi, u żvilupp istituzzjonali, inkluż il-ġestjoni tar-riżorsi umani,

(iii)

it-tisħiħ tal-għarfien espert tekniku tal-parlamenti, li jippermettilhom li jivvalutaw u jikkontribwixxu għall-formulazzjoni u s-sorveljanza ta' baġits nazzjonali, anke fir-rigward tad-dħul domestiku mill-estrazzjoni ta' riżorsi u kwistjonijiet fiskali.

(d)   Il-politika u l-amministrazzjoni fiskali

(i)

l-appoġġ għall-bini jew it-tisħiħ ta' sistemi fiskali domestiċi ġusti, trasparenti, effettivi, progressivi u sostenibbli,

(ii)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' monitoraġġ f'pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-flussi finanzjarji illeċiti,

(iii)

l-appoġġ għall-produzzjoni u t-tixrid tal-ħidma dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-impatt tagħha, b'mod partikolari minn korpi ta' sorveljanza, parlamenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili,

(iv)

l-appoġġ għal inizjattivi multilaterali u reġjonali dwar l-amministrazzjoni fiskali u r-riformi fiskali,

(v)

l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipparteċipaw b'mod aktar effettiv fl-istrutturi u l-proċessi tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar it-taxxa,

(vi)

l-appoġġ għall-inklużjoni ta' rappurtar ta' pajjiż b'pajjiż u proġett bi proġett fil-leġislazzjoni ta' pajjiżi sħab sabiex tissaħħaħ it-trasparenza finanzjarja.

(e)   Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni

(i)

l-assistenza lill-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-forom kollha ta' korruzzjoni, inkluż permezz tal-ħidma ta' promozzjoni, is-sensibilizzazzjoni u r-rappurtar

(ii)

iż-żieda fil-kapaċità tal-korpi ta' kontroll u ta' sorveljanza u tal-ġudikatura.

(f)   Is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali

(i)

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tissaħħaħ il-vuċi tagħhom u l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess tal-iżvilupp u għall-avvanz tad-djalogu politiku, soċjali u ekonomiku,

(ii)

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u l-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert tagħhom għall-promozzjoni ta' approċċ territorjali għall-iżvilupp, inklużi l-proċessi ta' deċentralizzazzjoni;

(iii)

il-promozzjoni ta' ambjent ta' abilitazzjoni għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni tas-soċjetà ċivili.

(g)   Il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal

(i)

il-promozzjoni tal-għoti ta' dokumenti legali,

(ii)

l-appoġġ għal kwalità ta' ħajja adegwata u f'saħħitha u tkabbir b'saħħtu għall-età adulta,

(iii)

l-iżgurar li tiġi pprovduta edukazzjoni bażika lil kulħadd.

II.   Tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

(a)   Is-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali, l-impjiegi u l-kultura

(i)

l-appoġġ għar-riformi settorjali li jżidu l-aċċess għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari s-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni ta' kwalità, b'attenzjoni fuq l-MDGs relatati u fuq l-aċċess għal tali servizzi mill-fqar u mill-gruppi marġinalizzati u vulnerabbli,

(ii)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet lokali biex jirrispondu għall-isfidi globali, reġjonali u lokali, inkluż permezz tal-użu tal-appoġġ settorjali tal-baġit bi djalogu politiku intensifikat,

(iii)

it-tisħiħ ta' sistemi tas-saħħa, fost l-oħrajn bl-indirizzar tan-nuqqas ta' persuni kkwalifikati fis-settur tal-kura tas-saħħa, il-finanzjament ġust għas-saħħa u biex il-mediċini u l-vaċċini jsiru aktar abbordabbli għall-fqar,

(iv)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom u f'dan il-kuntest is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

(v)

l-iżgurar ta' provvista adegwata ta' ilma għax-xorb ta' kwalità tajba abbordabbli, sanità u iġjene adegwati,

(vi)

it-tisħiħ tal-appoġġ għall-edukazzjoni ta' kwalità u għal aċċess ugwali għaliha,

(vii)

l-appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali għall-impjegabbiltà u l-kapaċità li jitwettqu u jintużaw ir-riżultati tar-riċerka favur l-iżvilupp sostenibbli,

(viii)

l-appoġġ għall-iskemi u l-pjattaformi ta' protezzjoni soċjali nazzjonali, inklużi s-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali għas-saħħa u l-iskemi tal-pensjonijiet, b'attenzjoni fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanza,

(ix)

l-appoġġ għall-aġenda tax-xogħol diċenti, u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali,

(x)

il-promozzjoni ta' djalogu interkulturali, d-diversità kulturali u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-kulturi kollha;

(xi)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali biex tistimola l-kontribut ta' industriji kulturali għal tkabbir ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħha għall-ġlieda kontra l-faqar, inkluż l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-aċċess għas-suq u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

(b)   L-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq dinjija

(i)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' settur privat lokali kompetittiv, inkluż billi tinbena l-kapaċità lokali istituzzjonali u tan-negozju;

(ii)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' sistemi ta' produzzjoni lokali u ta' intrapriżi lokali inklużi intrapriżi ekoloġiċi;

(iii)

il-promozzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), il-mikrointrapriżi u l-kooperattivi u tal-kummerċ ġust,

(iv)

il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' swieq lokali, domestiċi u reġjonali, inklużi swieq għall-prodotti u s-servizzi ambjentali,

(v)

l-appoġġ għar-riformi tal-qafas leġislattiv u dak regolatorju u l-infurzar tagħhom,

(vi)

il-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tan-negozji u finanzjarji bħall-mikrokreditu u t-tfaddil, il-mikroassigurazzjoni u t-trasferiment tal-pagamenti;

(vii)

l-appoġġ għall-infurzar tad-drittijiet tax-xogħol maqbula internazzjonalment;

(viii)

l-istabbiliment u t-titjib ta' liġijiet u reġistri tal-artijiet sabiex jiġu protetti drittijiet tal-proprjetà tal-art u tal-proprjetà intellettwali;

(ix)

il-promozzjoni ta' politiki ta' riċerka u innovazzjoni li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv;

(x)

il-promozzjoni tal-investimenti li jiġġeneraw impjiegi sostenibbli, inklużi permezz ta' mekkaniżmi ta' taħlit, b'attenzjoni fuq il-finanzjament għall-kumpanniji domestiċi u l-ingranaġġ tal-kapitali domestiċi, b'mod partikolari fil-livell tal-SMEs, u l-appoġġ għall-iżvilupp tar-riżorsi umani;

(xi)

it-titjib tal-infrastruttura b'rispett sħiħ għall-istandards soċjali u ambjentali;

(xii)

il-promozzjoni ta' approċċi settorjali għal trasport sostenibbli, li jissodisfa l-bżonnijiet tal-pajjiżi sħab, li jiżgura s-sigurtà tat-trasport, l-abbordabbiltà u l-effiċjenza, u l-minimizzar ta' effetti negattivi fuq l-ambjent,

(xiii)

l-impenn mas-settur privat għat-tisħiħ tal-iżvilupp soċjalment responsabbli u sostenibbli, il-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali u ambjentali korporattiva u l-obbligu ta' rendikont u d-djalogu soċjali;

(xiv)

l-assistenza lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tal-kummerċ u tal-integrazzjoni reġjonali u kontinentali, u l-provvista ta' assistenza għall-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tagħhom fl-ekonomija dinjija;

(xv)

l-appoġġ għal aċċess aktar ġeneralizzat għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex tingħalaq id-differenza diġitali.

(c)   Agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni

(i)

l-għajnuna għal pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex tinbena r-reżiljenza tagħhom għax-xokkijiet (bħall-iskarsezza ta' riżorsi u l-provvista, il-volatilità tal-prezzijiet) u l-indirizzar ta' inugwaljanzi, billi persuni foqra jingħataw aċċess aħjar għall-art, l-ikel, l-ilma, l-enerġija u l-finanzi mingħajr ma' jiġi pperikolat l-ambjent;

(ii)

l-appoġġ għal prattiki ta' agrikoltura sostenibbli u riċerka agrikola rilevanti, u l-iffokar fuq l-agrikoltura fuq skala żgħira u l-għajxien rurali;

(iii)

l-appoġġ għan-nisa fl-agrikoltura;

(iv)

l-inkoraġġiment għall-isforzi tal-gvernijiet biex jiffaċilitaw investiment privat soċjalment u ekoloġikament responsabbli;

(v)

l-appoġġ għal approċċi strateġiċi għas-sigurtà tal-ikel, b'attenzjoni fuq id-disponibbiltà tal-ikel, l-aċċess, l-infrastruttura, il-ħżin u n-nutrizzjoni;

(vi)

l-indirizzar tan-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel u l-malnutrizzjoni permezz ta' interventi bażiċi f'sitwazzjonijiet ta' transizzjoni u fraġilità;

(vii)

l-appoġġ għall-iżvilupp territorjali mmexxi mill-pajjiżi, parteċipatorju, deċentralizzat u ambjentalment sostenibbli.

(d)   Enerġija sostenibbli

(i)

it-titjib tal-aċċess għal servizzi tal-enerġija moderni, abbordabbli, sostenibbli, effiċjenti, nodfa u rinnovabbli;

(ii)

il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli lokali u reġjonali, u l-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata.

(e)   Il-ġestjoni tar-riżorsi naturali, inkluż l-art, il-forestrija u l-ilma, b'mod partikolari:

(i)

l-appoġġ għall-proċessi u l-korpi ta' sorveljanza u s-sostenn ta' riformi ta' governanza li jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli u trasparenti u l-preservazzjoni tar-riżorsi naturali

(ii)

il-promozzjoni ta' aċċess ekwu għall-ilma, kif ukoll il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma u l-ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar;

(iii)

il-promozzjoni tal-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema;

(iv)

il-promozzjoni ta' xejriet sostenibbli tal-produzzjoni u tal-konsum u l-ġestjoni sigura u sostenibbli ta' sustanzi kimiċi u skart, billi jitqiesu l-impatti tagħhom fuq is-saħħa.

(f)   It-tibdil fil-klima u l-ambjent

(i)

il-promozzjoni tal-użu ta' teknoloġiji aktar nodfa, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi sostenibbli bil-għan li jinkiseb żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju filwaqt li jiġu rinfurzati standards ambjentali,

(ii)

it-titjib fir-reżiljenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jiġu appoġġati l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bbażati fuq l-ekosistema u l-miżuri tat-tnaqqis fir-riskju tad-diżastri,

(iii)

l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' ftehimiet ambjentali multilaterali rilevanti, b'mod partikolari t-tisħiħ tad-dimensjoni ambjentali tal-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli u l-promozzjoni tal-ħarsien tal-bijodiversità,

(iv)

il-pajjiżi sħab jiġu megħjuna sabiex jadattaw mal-isfida tal-ispostament u l-migrazzjoni kkważata mill-effetti tat-tibdil fil-klima, u l-bini mill-ġdid tal-għajxien tar-refuġjati minħabba l-klima.

III.   Oqsma oħra ta' importanza għall-iżvilupp

(a)   Il-migrazzjoni u l-asil

(i)

l-appoġġ għal sforzi mmirati sabiex tiġi sfruttata bis-sħiħ l-interrelazzjoni bejn il-migrazzjoni, il-mobbiltà, l-impjieg u t-tnaqqis ta-faqar, sabiex il-migrazzjoni tkun forza pożittiva għall-iżvilupp u jitnaqqas l-“eżodu ta' mħuħ”,

(ii)

l-appoġġ għal pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-adozzjoni ta' politiki fuq perijodu ta' żmien twil għall-ġestjoni tal-flussi migratorji, li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u l-familji tagħhom u li jtejbu l-protezzjoni soċjali tagħhom.

(b)   Ir-rabta bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp

(i)

ir-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni, fuq perijodu ta' żmien medju u twil, ta' reġjuni u pajjiżi milquta minn konflitti kif ukoll minn diżastri provokati mill-bniedem u diżastri naturali;

(ii)

it-twettiq ta' attivitajiet fuq perijodu ta' żmien medju u twil immirati għall-awtosuffiċjenza u l-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni mġiegħla jitilqu minn arthom, billi tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp.

(c)   Ir-reżiljenza u t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri

(i)

f'sitwazzjonijiet ta' fraġilità, l-appoġġ għat-twassil ta' servizzi bażiċi u l-bini ta' istituzzjonijiet Statali leġittimi, effettivi u reżiljenti u soċjetà ċivili attiva u organizzata, fi sħubija mal-pajjiż ikkonċernat;

(ii)

il-kontribut għal approċċ ta' prevenzjoni għall-fraġilità tal-Istat, il-konflitti, id-diżastri naturali u tipi oħra ta' kriżijiet billi l-pajjiżi sħab u l-isforzi ta' organizzazzjonijiet reġjonali jiġu megħjuna biex isaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija u l-governanza demokratika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali,

(iii)

l-appoġġ għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, l-istat ta' preparazzjoni għad-diżastri u l-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-konsegwenzi ta' tali diżastri.

(d)   L-iżvilupp u s-sigurtà, inkluża l-prevenzjoni ta' konflitti

(i)

l-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' konflitt, inkluż il-faqar, id-degradazzjoni, l-esplojtazzjoni u d-distribuzzjoni u l-aċċess mhux ugwali għar-riżorsi tal-art u naturali, il-governanza dgħajfa, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-inugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz ta' appoġġ għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-bini tal-paċi,

(ii)

il-promozzjoni tad-djalogu, il-parteċipazzjoni u r-rikonċiljazzjoni bil-għan tal-promozzjoni tal-paċi u l-prevenzjoni ta' tifqigħ ta' vjolenza, f'konformità mal-aħjar prattika internazzjonali,

(iii)

it-trawwim tal-kooperazzjoni u r-riforma tal-politika fl-oqsma tas-sigurtà u l-ġustizzja, il-ġlieda kontra d-drogi u traffikar ieħor, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.

B.   OQSMA SPEĊIFIĊI TA' KOOPERAZZJONI GĦAL KULL REĠJUN

L-għajnuna mill-Unjoni għandha tappoġġa azzjonijiet u djalogi settorjali konsistenti mal-Artikolu 5 u Parti A ta' dan l-Anness I, u mal-għan ġenerali u l-ambitu ġenerali, l-objettivi u l-prinċipji ġenerali ta' dan ir-Regolament. Għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lill-oqsma deskritti hawn taħt, li jirriflettu strateġiji maqbula b'mod konġunt.

I.   L-Amerika Latina

(a)

L-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, xogħol diċenti u ekwità, ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa;

(b)

l-indirizzar ta' kwistjonijiet ta' governanza u l-appoġġ għar-riformi tal-politika, b'mod partikolari fl-oqsma tal-politiki soċjali, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u t-tassazzjoni, is-sigurtà (inklużi d-drogi, il-kriminalità u l-korruzzjoni), it-tisħiħ tal-governanza tajba, l-istituzzjonijiet pubbliċi fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, (anki permezz ta' mekkaniżmi innovattivi għall-provvista ta' kooperazzjoni teknika, pereżempju l-Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX) u ġemellaġġi, il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, tal-persuni indiġeni u tal-persuni b'dixxendenza Afrikana, ir-rispett għall-istandards tax-xogħol ewlenin tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-ambjent, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal u l-ġlieda kontra l-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(c)

l-appoġġ għal soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(d)

It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali b'mod partikolari bl-istabbiliment u t-tisħiħ ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli, inklużi l-assigurazzjoni soċjali, u r-riforma fiskali, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' sistemi fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u d-distribuzzjoni tal-ġid;

(e)

l-assistenza lill-Istati tal-Amerika Latina fit-twettiq tal-obbligu tagħhom ta' diliġenza dovuta fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni legali, is-sanzjonijiet, l-indennizz u l-attenzjoni għall-femminiċidju;

(f)

l-appoġġ għal diversi proċessi ta' integrazzjoni reġjonali u l-interkonnessjoni ta' infrastrutturi tan-netwerks, filwaqt li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-attivitajiet appoġġati mill- BEI u istituzzjonijiet oħra;

(g)

l-indirizzar tar-rabta żvilupp-sigurtà;

(h)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

(i)

l-appoġġ għall-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta' qasam komuni tal-edukazzjoni għolja tal-Amerika Latina;

(j)

l-indirizzar tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-kontribuzzjoni għat-trasformazzjoni strutturali billi jkunu stabbiliti sħubiji sodi madwar relazzjonijiet miftuħa u ġusti ta' kummerċ, investimenti produttivi għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-ekonomija ekoloġika u inklużiva, it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, u l-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, b'attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-flussi migratorji, is-sigurtà tal-ikel (inkluż l-agrikoltura u s-sajd sostenibbli), it-tibdil fil-klima, l-enerġiji sostenibbli u l-ħarsien u t-titjib tas-servizzi tal-bijodiversità u l-ekosistemi, inkluż l-ilma, il-ħamrija u l-foresti; l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mikrointrapriżi u SMEs bħala s-sors ewlieni għat-tkabbir inklużiv, l-iżvilupp u l-impjiegi; il-promozzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp għall-kummerċ biex jiġi żgurat u SMEs tal-Amerika Latina jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet kummerċjali internazzjonali; billi jittieħed kont tal-bidliet fl-iskema ġeneralizzata tal-preferenzi;

(k)

il-mitigazzjoni tal-effetti negattivi li ser ikollha l-esklużjoni mill-iskema ġeneralizzata ta' preferenzi ġeneralizzati fuq l-ekonomiji ta' bosta pajjiżi fir-reġjun;

(l)

l-iżgurar ta' segwitu adatt għal miżuri ta' emerġenza għal perijodu ta' żmien qasir li jindirizzaw l-irkupru wara diżastru jew wara kriżi, li jiġu implimentati permezz ta' strumenti oħrajn ta' finanzjament.

II   L-Asja ta' Isfel

(1)   Il-promozzjoni ta' governanza demokratika

(a)

l-appoġġ għall-proċessi demokratiċi, it-trawwim ta' governanza demokratika effettiva, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-korpi pubbliċi (inkluż fil-livell lokali), l-appoġġ għad-deċentralizzazzjoni effiċjenti, ir-ristrutturazzjoni tal-istat u l-proċessi elettorali;

(b)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, inklużi l-mezzi tal-komunikazzjoni, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(c)

il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet leġittimi, effettivi u responsabbli, il-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali u amministrattivi, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-appoġġ għall-istat tad-dritt;

(d)

it-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, il-migranti, il-popli indiġeni u l-gruppi vulnerabbli, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal u t-traffikar tal-bnedmin.

(e)

il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali (fosthom dwar il-governanza tajba u kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika) u riformi leġislattivi, amministrattivi u regolatorji f'konformità ma' standards internazzjonali, b'mod partikolari fi Stati fraġli u pajjiżi f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u ta' wara konflitt;

(2)   Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu

(a)

l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni, is-saħħa u politiki soċjali oħrajn;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni; it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għal kullħadd bil-ħsieb li jiżdiedu l-għarfien, il-ħiliet u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, inkluż — fejn rilevanti — bl-indirizzar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tax-xogħol u d-dixxendenza, u b'mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti;

(c)

il-promozzjoni tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni, l-impjiegi deċenti u l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi permezz tal-edukazzjoni, is-saħħa u politiki soċjali oħra;

(d)

il-promozzjoni ta' edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali u servizzi tas-saħħa ta' kwalità għolja li huma aċċessibbli għal kullħadd (inklużi għall-bniet u n-nisa);

(e)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u bbażata fuq id-dixxendenza, il-ħtif tat-tfal, il-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi u kontra forom oħra ta' traffikar;

(f)

l-istabbiliment ta' sħubiji orjentati lejn l-iżvilupp madwar l-agrikoltura, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kummerċ, l-investiment, l-għajnuna, il-migrazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u l-provvista ta' beni pubbliċi, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali;

(3)   L-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, iż-żieda fir-reżiljenza tas-soċjetajiet tal-Asja t'Isfel kontra t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali

(a)

il-promozzjoni tat-tkabbir u l-għajxien sostenibbli u inklużiv, l-iżvilupp rurali integrat, l-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-enerġija rinnovabbli, il-ħarsien tal-bijodiversità, l-ilma u l-immaniġġar tal-iskart, il-ħarsien tal-ħamrija u tal-foresti

(c)

il-kontribut għall-isforzi għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima permezz tal-appoġġ għall-adattament, il-mitigazzjoni u l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskji;

(d)

l-appoġġ għall-isforzi għat-titjib tad-diversifikazzjoni ekonomika, il-kompetittività u l-kummerċ, l-iżvilupp tas-settur privat b'attenzjoni partikolari fuq il-mikrointrapriżi u l-SMEs u l-kooperattivi.

(e)

il-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli kif ukoll l-investimenti f'teknoloġiji nodfa, l-enerġiji sostenibbli, it-trasport, l-agrikoltura u s-sajd sostenibbli, il-ħarsien u t-titjib tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, inkluż l-ilma u l-foresti, u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti fl-ekonomija ekoloġika;

(f)

l-appoġġ għall-istat ta' preparazzjoni għad-diżastri u l-irkupru fit-tul wara diżastru, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni u l-assistenza lill-persuni mġiegħla jitilqu minn arthom;

(4)   L-appoġġ għall-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali

(a)

l-inkoraġġiment tal-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, b'mod orjentat lejn ir-riżultati permezz ta' appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali u d-djalogu, b'mod partikolari permezz tal-Assoċjazzjoni tal-Asja tan-Nofsinhar għall-Kooperazzjoni Reġjonali u l-promozzjoni tal-objettivi ta' żvilupp tal-proċess ta' Istanbul (“Il-Qalba tal-Asja”);

(b)

l-appoġġ għall-ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli f'reġjuni tal-fruntiera; il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(c)

l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali li jimmiraw il-mard prinċipali li jittieħed; il-kontribut għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ambjenti diversi tagħhom;

III.   L-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

(1)   Il-promozzjoni ta' governanza demokratika

(a)

il-kontribut għad-demokratizzazzjoni: il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet u korpi pubbliċi leġittimi, effettivi u responsabbli u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, permezz tal-promozzjoni ta' riformi istituzzjonali (fosthom dwar il-governanza tajba u kontra l-korruzzjoni, il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, it-tassazzjoni u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika) u riformi leġislattivi, amministrattivi u regolatorji f'konformità mal-istandards internazzjonali, b'mod partikolari fi stati u pajjiżi fraġli f'sitwazzjonijiet ta' konflitt u post-konflitt;

(b)

it-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-minoranzi u tal-popli indiġeni, il-promozzjoni tar-rispett għall-istandards fundamentali tax-xogħol, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali, sessista u fuq it-tfal, inklużi t-tfal f'konflitti armati, u l-indirizzar tal-kwistjoni tat-traffikar tal-bnedmin;

(c)

l-appoġġ għall-istruttura tad-drittijiet tal-bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), speċjalment il-ħidma tal-Kumitat Intergovernattiv tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem;

(d)

il-bini u t-tisħiħ ta' istituzzjonijiet u korpi pubbliċi leġittimi, effettivi u b'obbligu ta' rendikont;

(e)

l-appoġġ ta' soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz ta' appoġġ għas-sħab soċjali;

(f)

l-appoġġ għall-isforzi tar-reġjun għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà taċ-ċittadini, inkluż permezz tar-riforma tal-ġustizzja u tas-settur tas-sigurtà, u l-promozzjoni ta' djalogu interetniku u bejn nies ta' fidi differenti u proċessi ta' paċi;

(g)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi u kontra forom oħra ta' traffikar, u l-appoġġ ta' ġestjoni effiċjenti tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fir-reġjuni tal-fruntiera; l-appoġġ għall-attivitajiet tat-tneħħija ta' mini;

(2)   Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tiegħu

(a)

l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

(b)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jiġi pprovdut aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni; it-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għal kullħadd bil-ħsieb li jiżdiedu l-għarfien, il-ħiliet u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, inkluż — fejn rilevanti — bl-indirizzar tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni abbażi tax-xogħol u d-dixxendenza, u b'mod partikolari d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti;

(c)

l-istabbiliment ta' sħubiji orjentati lejn l-iżvilupp madwar l-agrikoltura, l-iżvilupp tas-settur privat, il-kummerċ, l-investiment, l-għajnuna, il-migrazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u l-provvista ta' beni pubbliċi, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali;

(d)

l-appoġġ għall-isforzi tar-reġjun għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u d-diversi ambjenti tagħhom;

(e)

il-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva, tagħlim tul il-ħajja u taħriġ (inkluż l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ), u t-titjib tal-funzjonament tas-swieq tax-xogħol,

(f)

il-promozzjoni ta' ekonomija aktar ekoloġika u sostenibbli u tkabbir inklużiv speċjalment fir-rigward tal-agrikoltura, is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, l-enerġija sostenibbli u l-ħarsien u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi;

(g)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u abbażi tad-dixxendenza u l-ħtif tat-tfal;

(3)   L-appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli u ż-żieda fir-reżiljenza tas-soċjetajiet tal-Asja tax-Xlokk kontra t-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali

(a)

l-appoġġ għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-promozzjoni ta' konsum u produzzjoni sostenibbli;

(b)

l-appoġġ lir-reġjun sabiex jintegra t-tibdil fil-klima fl-istrateġiji tal-iżvilupp sostenibbli, biex jiżviluppa politiki u strumenti għall-adattament u l-mitigazzjoni, biex jindirizza l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u jsaħħaħ l-inizjattivi ta' kooperazzjoni fit-tul u jnaqqas il-vulnerabbiltà għad-diżastri, biex jappoġġa l-Qafas Multisettorjali tal-ASEAN dwar it-Tibdil fil-Klima: L-Agrikoltura u l-Forestrija lejn is-Sigurtà tal-Ikel;

(c)

fid-dawl tal-espansjoni tal-popolazzjoni u d-domanda tal-konsumaturi li qed tinbidel, l-appoġġ għal konsum u produzzjoni sostenibbli kif ukoll investimenti f'teknoloġiji nodfa b'mod partikolari fil-livell reġjonali, enerġiji sostenibbli, trasport, agrikoltura u sajd sostenibbli, il-ħarsien u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi, inkluż l-ilma u l-foresti, u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti fl-ekonomija ekoloġika;

(d)

tinħoloq rabta bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp billi jiġi żgurat segwitu adatt għall-miżuri ta' emerġenza għal perijodu qasir li jindirizzaw l-irkupru ta' wara diżastru jew ta' wara kriżi implimentati permezz ta' strumenti oħrajn ta' finanzjament; l-appoġġ għat-tħejjija għad-diżastri u l-irkupru fit-tul wara diżastru, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutriment u l-għajnuna lill-persuni mġiegħla jitilqu minn arthom.

(4)   L-appoġġ għall-integrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali fl-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

(a)

l-inkoraġġiment ta' integrazzjoni u kooperazzjoni reġjonali akbar b'mod orjentat lejn ir-riżultati permezz ta' appoġġ għal integrazzjoni u djalogu reġjonali;

(b)

l-appoġġ għall-integrazzjoni soċjoekonomika u l-konnettività tal-ASEAN, inkluż l-implimentazzjoni tal-objettivi marbuta mal-iżvilupp tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN, il-Pjan Regolatorju dwar il-Konnettività tal-ASEAN u l-Viżjoni ta' Wara l-2015;

(c)

il-promozzjoni tal-assistenza marbuta mal-kummerċ u l-għajnuna għall-iżvilupp għall-kummerċ, inkluż biex jiġi żgurat li l-mikrointrapriżi u l-SMEs jibbenefikaw minn opportunitajiet kummerċjali internazzjonali;

(d)

l-ingranaġġ tal-finanzjament għall-infrastrutturi u n-netwerks sostenibbli li jiffavorixxu l-integrazzjoni reġjonali, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali u t-tkabbir sostenibbli, filwaqt li tiġi żgurata l-komplementarjetà mal-attivitajiet appoġġati mill-BEI u istituzzjonijiet finanzjarji oħra tal-Unjoni kif ukoll ma' istituzzjonijiet oħra f'dan il-qasam;

(e)

l-inkoraġġiment tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-pajjiżi tal-ASEAN u l-Unjoni.

(f)

l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali li jimmiraw il-mard prinċipali li jittieħed; il-kontribut għall-prevenzjoni u r-rispons għar-riskji tas-saħħa, inkluż dawk li joriġinaw fl-interfaċċja bejn l-annimali, il-bnedmin u l-ambjenti diversi tagħhom;

IV.   L-Asja Ċentrali

(a)

Bħala objettivi ġenerali, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jkun sostenibbli u inklużiv, il-koeżjoni soċjali u d-demokrazija;

(b)

l-appoġġ għas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għas-sigurtà tal-enerġija sostenibbli, l-ilma u s-sanità għall-popolazzjonijiet lokali; il-promozzjoni u l-appoġġ għal-istat ta' preparazzjoni għal diżastri u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

(c)

l-appoġġ għall-parlamenti rappreżentattivi u eletti b'mod demokratiku, il-promozzjoni u l-appoġġ tal-governanza tajba u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni; ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi; l-istat tad-dritt, b'istituzzjonijiet li jiffunzjonaw tajjeb u r-rispett effettiv għad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi; l-appoġġ għal soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ għas-sħab soċjali;

(d)

il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli, l-indirizzar tal-inugwaljanzi soċjali u reġjonali, u l-appoġġ għall-innovazzjoni u t-teknoloġija, xogħol deċenti, l-iżvilupp agrikolu u rurali, il-promozzjoni tad-diversifikazzjoni ekonomika permezz tal-appoġġ għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, filwaqt li jiġi stimolat l-iżvilupp ta' ekonomija soċjali tas-suq regolata, kummerċ u investiment miftuħ u ġust, inklużi r-riformi regolatorji;

(e)

l-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli f'reġjuni tal-fruntiera; fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-forom kollha ta' traffikar, inkluż il-ġlieda kontra l-produzzjoni u l-konsum tad-drogi kif ukoll l-effetti negattivi tagħhom, inkluż l-HIV/AIDS;

(f)

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali, id-djalogu u l-integrazzjoni inkluż ma' pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u strumenti oħra tal-Unjoni biex jappoġġaw ir-riformi tal-politika, fosthom permezz tal-bini tal-istituzzjonijiet meta adatt, l-assistenza teknika (pereżempju TAIEX), l-iskambju ta' informazzjoni u ġemellaġġi u b'investimenti ewlenin permezz ta' mekkaniżmi adatti sabiex jiġu mobilizzati r-riżorsi finanzjarji fis-setturi tal-edukazzjoni, l-ambjent u l-enerġija, l-iżvilupp b'livell baxx ta' emissjonijiet/reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

(g)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għal servizzi soċjali bażiċi ta' kwalità, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; l-appoġġ għall-aċċess tal-popolazzjoni, speċjalment iż-żgħażagħ u n-nisa, għall-impjiegi, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għat-titjib tal-edukazzjoni ġenerali, vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja.

V.   Il-Lvant Nofsani

(a)

L-indirizzar tad-demokratizzazzjoni u ta' kwistjonijiet relatati mal-governanza (inkluż fil-qasam tat-taxxa), l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-libertajiet fundamentali u l-ugwaljanza politika biex jiġu inkoraġġiti riformi politiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-trasparenza tal-proċess ġudizzjarju u jinbnew istituzzjonijiet pubbliċi leġittimi, demokratiċi, effettivi u responsabbli u soċjetà ċivili attiva, indipendenti u organizzata; it-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ lis-sħab soċjali;

(b)

l-appoġġ lis-soċjetà ċivili fil-ġlieda tagħha għad-difiża tal-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi;

(c)

il-promozzjoni tat-tkabbir inklużiv u l-inkoraġġiment tal-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp, b'mod partikolari l-ħolqien tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-ekwità u l-ugwaljanza bejn is-sessi; it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għas-servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni; l-indirizzar, fejn ikun rilevanti, tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' impjieg jew dixxendenza, b'mod partikolari d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' kasta;

(d)

l-appoġġ għall-iżvilupp ta' kultura ċivika speċjalment permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa;

(e)

il-promozzjoni ta' riforma ekonomika sostenibbli u d-diversifikazzjoni, relazzjonijiet kummerċjali miftuħa u ġusti, l-iżvilupp ta' ekonomija tas-suq soċjali regolata u sostenibbli, investiment produttiv u sostenibbli fis-setturi ewlenin (bħall-enerġija, b'attenzjoni fuq l-enerġija rinnovabbli);

(f)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien, tal-kooperazzjoni, id-djalogu u l-integrazzjoni reġjonali, inkluż ma' pajjiżi koperti mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat u l-Istati tal-Golf koperti mill-Istrument ta' Sħubija u strumenti oħra tal-UE billi jiġu appoġġati l-isforzi ta' integrazzjoni fir-reġjun, b'mod indikattiv dwar l-ekonomija, l-enerġija, l-ilma, it-trasport u r-refuġjati;

(g)

il-promozzjoni ta' ġestjoni sostenibbli u ġusta tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;

(h)

l-użu ta' riżorsi komplementari taħt dan ir-Regolament b'ħidma u appoġġ koerenti permezz ta' strumenti u politiki oħra tal-Unjoni, li jistgħu jiffukaw fuq aċċess għas-suq intern tal-Unjoni, il-mobbiltà fis-suq tax-xogħol u integrazzjoni reġjonali usa';

(i)

fil-kuntest tar-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp, il-ġlieda kontra l-produzzjoni, il-konsum u t-traffikar tad-drogi;

(j)

fil-kuntest tar-rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-għajnuna lil persuni mċaqilqin minn djarhom u r-refuġjati;

VI.   Pajjiżi oħra

(a)

L-appoġġ għall-konsolidazzjoni ta' soċjetà demokratika, governanza tajba, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, Stat irregolat bl-istat tad-dritt u l-kontribut għall-istabbiltà u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali; appoġġ lil soċjetà ċivili attiva, organizzata u indipendenti, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali permezz tal-appoġġ lis-sħab soċjali;

(b)

l-għoti ta' appoġġ għall-isforzi ta' aġġustament xprunati mill-istabbiliment ta' diversi żoni ta' kummerċ ħieles;

(c)

l-appoġġ tal-ġlieda kontra l-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni, fosthom billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet bażiċi tal-komunitajiet żvantaġġati u billi tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u politiki ta' ridistribuzzjoni mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi;

(d)

it-tisħiħ tal-kapaċità li jingħata aċċess universali għas- servizzi soċjali bażiċi, b'mod partikolari fis-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni;

(e)

it-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol b'enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tal-aġenda ta' xogħol deċenti tal-ILO;

(f)

l-indirizzar tal-vulnerabbiltà ekonomika u l-kontribut għal trasformazzjoni strutturali b'enfasi fuq impjiegi deċenti permezz ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, ibbażata fuq l-enerġija rinnovabbli b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju billi jiġu stabbiliti sħubijiet b'saħħithom madwar relazzjonijiet kummerċjali ġusti, investimenti produttivi għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-ekonomija ekoloġika u inklużiva, it-trasferiment tal-għarfien u l-kooperazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, u l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u inklużiv fid-dimensjonijiet kollha tiegħu, b'attenzjoni partikolari għall-isfidi tal-flussi migratorji, id-djar, is-sigurtà tal-ikel (inkluż agrikoltura u sajd sostenibbli), it-tibdil fil-klima, l-enerġiji sostenibbli u l-protezzjoni u t-titjib tas-servizzi ta' bijodiversità u ekosistemi, inkluż l-ilma u l-ħamrija;

(g)

l-indirizzar tal-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u kwistjonijiet tas-saħħa, inkluż l-HIV/AIDS u l-impatti tagħhom fuq is-soċjetà.


ANNESS II

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMMI TEMATIĊI

A.   IL-PROGRAMM ’BENI PUBBLIĊI GLOBALI U SFIDI GLOBALI’

Il-programm ’Beni Pubbliċi Globali u Sfidi Globali’ huwa mmirat biex isaħħaħ il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab bil-għan li jikkontribwixxu għall-qerda tal-faqar, il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-programm għandu jinsilet mill-oqsma ta' kooperazzjoni li ġejjin, u jiżgura sinerġija massima bejniethom fid-dawl tal-interkonnessjoni qawwija tagħhom.

I.   L-ambjent u t-tibdil fil-klima

(a)

Il-kontribut għad-dimensjoni esterna tal-politiki tal-Unjoni dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima billi jiġi rispettat għalkollox il-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp u prinċipji oħra stabbiliti fit-TFUE;

(b)

il-ħidma minn kmieni biex pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu assistiti biex jilħqu l-MDGs jew kwalunkwe qafas sussegwenti maqbul mill-Unjoni u l-Istati Membri, relatati mal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u s-sostenibbiltà ambjentali;

(c)

l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-Unjoni u impenji maqbula fuq livell internazzjonali u reġjonali u/jew ta' natura transkonfinali partikolarment fl-oqsma tat-tibdil fil-klima permezz tal-promozzjoni ta' strateġiji reżiljenti għat-tibdil fil-klima b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju li jagħtu prijorità lil strateġiji li jippromwovu l-bijodiversità, il-ħarsien tal-ekosistemi u r-riżorsi naturali, il-ġestjoni sostenibbli inklużi l-oċeani, l-art, l-ilma, is-sajd u l-foresti (pereżempju permezz ta' mekkaniżmi bħall-FLEGT), id-deżertifikazzjoni, il-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma, il-ġestjoni tajba tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekonomija ekoloġika;

(d)

iż-żieda fl-integrazzjoni u l-inklużjoni formali tal-objettivi relatati mat-tibdil fil-klima u l-ambjent fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE permezz ta' appoġġ għall-ħidma metodoloġika u ta' riċerka dwar, fi u minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, li tinkludi mekkaniżmi ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika, il-kartografija tal-ekosistemi, evalwazzjoni u valutazzjoni, titjib tal-kompetenza ambjentali u l-promozzjoni ta' azzjonijiet innovattivi u l-koerenza tal-politika;

(e)

it-tisħiħ tal-governanza ambjentali u appoġġ għall-iżvilupp tal-politika internazzjonali sabiex tittejjeb il-koerenza u l-effiċjenza tal-governanza globali tal-iżvilupp sostenibbli, billi jiġu assistiti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ambjentali reġjonali u internazzjonali, u billi jiġu promossi miżuri effettivi ta' konformità u infurzar f'pajjiżi li qed jiżviluppaw għal ftehimiet ambjentali multilaterali;

(f)

l-integrazzjoni kemm tal-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri kif ukoll l-adattament għat-tibdil fil-klima fl-ippjanar tal-iżvilupp u l-investiment, u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni ta' strateġiji li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju ta' diżastri, bħall-ħarsien tal-ekosistemi u r-restawr tal-artijiet mistagħdra;

(g)

ir-rikonoxximent tar-rwol deċiżiv tal-agrikoltura u taż-żamma tal-bhejjem fil-politiki dwar it-tibdil fil-klima billi jiġu promossi agrikoltura u trobbija tal-bhejjem fuq skala żgħira bħala strateġiji ta' adattament u mitigazzjoni awtonomi fin-Nofsinhar minħabba l-użu sostenibbli minnhom tar-riżorsi naturali, bħall-ilma u l-mergħat.

II.   Enerġija Sostenibbli

(a)

il-promozzjoni tal-aċċess għal servizzi tal-enerġija affidabbli, siguri, bi prezz aċċessibbli, sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-klima bħala xprun ewlieni għall-qerda tal-faqar u għat-tkabbir u l-iżvilupp inklużiv b'enfasi speċjali fuq l-użu ta' sorsi lokali u reġjonali tal-enerġija rinnovabbli u fuq l-iżgurar ta' aċċess għal persuni fqar f'reġjuni mbiegħda;

(b)

it-trawwim ta' aktar użu ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari approċċi deċentralizzati, kif ukoll l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-promozzjoni ta' strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet;

(c)

il-promozzjoni tas-sigurtà tal-enerġija għal pajjiżi sħab u l-komunitajiet lokali, pereżempju permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi u tar-rotot, il-konsiderazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-volatilità tal-prezzijiet, il-potenzjal ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, it-titjib tas-swieq u t-trawwim tal-interkonnessjonijiet u l-kummerċ tal-enerġija u b'mod partikolari tal-elettriku.

III.   L-iżvilupp tal-bniedem, li jinkludi x-xogħol deċenti, il-ġustizzja soċjali u l-kultura

(a)   Is-saħħa

(i)

it-titjib tas-saħħa u l-benessri tal-persuni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jkun appoġġat l-aċċess inklużiv u universali għal, u billi jiġu pprovduti b'mod ugwali faċilitajiet, prodotti u servizzi tas-saħħa pubblika essenzjali ta' kwalità tajba b'kontinwità tal-kura mill-prevenzjoni sa wara t-trattament u b'enfasi speċjali fuq il-ħtiġijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati u vulnerabbli;

(ii)

l-appoġġ u l-formazzjoni tal-aġenda politika ta' inizjattivi globali ta' benefiċċju dirett sinifikanti għall-pajjiżi sħab, billi jiġu kkunsidrati l-orjentazzjoni tar-riżultati, l-effettività tal-għajnuna u l-effetti fuq is-sistemi tas-saħħa, inkluż l-appoġġ lill-pajjiżi sħab biex jinvolvu ruħhom aħjar ma' dawk l-inizjattivi;

(iii)

l-appoġġ għall-inizjattivi speċifiċi speċjalment fuq livell reġjonali u globali, li jsaħħu s-sistemi tas-saħħa u jgħinu lill-pajjiżi jiżviluppaw u jimplimentaw politiki nazzjonali tajba u sostenibbli dwar is-saħħa abbażi tal-evidenza, u f'oqsma prijoritarji bħas-saħħa tat-tfal u tal-omm, li jinkludu immunizzazzjoni u reazzjoni għat-theddid globali għas-saħħa (bħall-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja u mard ieħor ittraskurat relatat mal-faqar);

(iv)

il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Bejġing u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp u l-eżiti tal-konferenzi ta' reviżjoni tagħhom u f'dan il-kuntest is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;

(v)

il-promozzjoni, l-għoti u l-estensjoni tas-servizzi essenzjali u l-appoġġ psikoloġiku għall-vittmi tal-vjolenza, speċjalment in-nisa u t-tfal.

(b)   Edukazzjoni, għarfien u ħiliet

(i)

l-appoġġ għall-kisba ta' miri maqbula internazzjonalment fl-edukazzjoni permezz ta' inizjattivi u sħubijiet globali, b'enfasi speċjali fuq il-promozzjoni tal-għarfien, il-ħiliet u l-valuri għal żvilupp sostenibbli u inklużiv;

(ii)

il-promozzjoni tal-iskambju ta' esperjenza, prattiki tajba u l-innovazzjoni, abbażi ta' approċċ bilanċjat lejn l-iżvilupp tas-sistemi edukattivi;

(iii)

it-titjib tal-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u tal-kwalità tal-edukazzjoni b'mod partikolari għall-persuni li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli, migranti, in-nisa u l-bniet, u l-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi reliġjużi, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jgħixu f'kuntest fraġli, u fil-pajjiżi li għad fadlilhom l-aktar biex jilħqu l-miri globali, u t-titjib tal-ikkompletar tal-edukazzjoni bażika u t-transizzjoni għall-edukazzjoni sekondarja.

(c)   L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-protezzjoni tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet

(i)

l-appoġġ għall-programmi fil-livell ta' pajjiż, reġjonali u lokali biex jiġu promossi l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali, it-tmexxija u l-parteċipazzjoni politika ugwali tan-nisa;

(ii)

l-appoġġ għall-inizjattivi nazzjonali, reġjonali u globali biex jippromwovu l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fil-politiki, il-pjanijiet u l-baġits, inkluż fl-oqfsa tal-iżvilupp internazzjonali, reġjonali u nazzjonali u fl-aġenda dwar l-effikaċja tal-għajnuna; l-għajnuna għall-eradikazzjoni ta' prattiki tal-għażla tas-sessi bi preġudizzju bejn is-sessi;

(iii)

l-indirizzar tal-vjolenza sesswali u l-vjolenza sessista u l-appoġġ għall-vittmi tagħha.

(d)   It-tfal u ż-żgħażagħ

(i)

il-ġlieda kontra t-traffikar tat-tfal u kontra kull forma ta' vjolenza u abbuż fuq it-tfal u kull forma ta' tħaddim tat-tfal, il-ġlieda kontra ż-żwieġ ta' tfal, u l-promozzjoni ta' linji politiċi li jqisu l-vulnerabbiltajiet partikolari u l-potenzjal partikolari tat-tfal u taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tad-drittijiet tagħhom, inkluża r-reġistrazzjoni tagħhom mat-twelid u l-interessi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-għajxien, li tibda bil-parteċipazzjoni u l-għoti ta' setgħat;

(ii)

it-tisħiħ fl-attenzjoni u l-kapaċità ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jiżviluppaw politiki li jkunu ta' benefiċċju għat-tfal u ż-żgħażagħ u l-promozzjoni tar-rwol tat-tfal u ż-żgħażagħ bħala atturi għall-iżvilupp;

(iii)

l-appoġġ tal-iżvilupp ta' strateġiji u interventi konkreti li jindirizzaw problemi u sfidi partikolari li jolqtu lit-tfal u liż-żgħażagħ, speċjalment fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg, billi jitqiesu l-aħjar interessi tagħhom f'kull azzjoni rilevanti.

(e)   Nondiskriminazzjoni

(i)

l-appoġġ għal inizjattivi lokali, reġjonali, nazzjonali u globali biex ikun promoss in-nuqqas ta' diskriminazzjoni abbażi ta' sess, identità tal-ġeneru, oriġini razzjali jew etnika, kasti, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, mard, età u orjentazzjoni sesswali permezz tal-iżvilupp ta' politiki, pjanijiet u baġits, kif ukoll l-iskambju ta' prattiki tajba u għarfien espert;

(ii)

l-iżgurar ta' djalogu aktar miftuħ fuq in-nondiskriminazzjoni u l-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.

(f)   Impjieg, ħiliet, protezzjoni soċjali u inklużjoni soċjali

(i)

is-sostenn ta' livelli għolja ta' impjiegi produttivi u deċenti b'mod partikolari b'appoġġ għal politiki u strateġiji tajba dwar l-edukazzjoni u x-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali għall-impjegabbiltà li jkun rilevanti għall-ħtiġijiet u l-perspettivi tas-suq lokali tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluż fl-ekonomija informali, il-promozzjoni ta' xogħol deċenti abbażi tal-istandards bażiċi tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), inkluża l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, u d-djalogu soċjali kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema filwaqt li jiġu rrispettati u promossi d-drittijiet tal-migranti;

(ii)

it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali b'mod partikolari bil-ħolqien u t-tisħiħ ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli, inklużi l-iskemi tal-assigurazzjoni soċjali għal dawk li jgħixu fil-faqar, u bir-riforma fiskali, it-tisħiħ tal-kapaċità ta' sistemi fiskali u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali, li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ugwaljanza u d-distribuzzjoni tal-ġid;

(iii)

it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali l-ugwaljanza bejn is-sessi b'kooperazzjoni dwar l-aċċess ekwu għas-servizzi bażiċi, l-impjieg għal kulħadd, l-għoti tas-setgħa u r-rispett lejn id-drittijiet ta' gruppi speċifiċi, speċjalment il-migranti, it-tfal u ż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltajiet, in-nisa, popli indiġeni u persuni li jappartjenu għal minoranzi sabiex jiġi żgurat li dawk il-gruppi jistgħu u se jipparteċipaw u jgawdu mill-ħolqien tal-ġid u d-diversità kulturali.

(g)   Tkabbir, impjiegi u involviment tas-settur privat

(i)

il-promozzjoni ta' azzjonijiet li għandhom l-għan li joħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, bl-iżvilupp tal-kompetittività u r-reżiljenza tal-mikrointrapriżi u l-SMEs lokali u l-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija lokali, reġjonali u globali, li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jintegraw ruħhom fis-sistemi kummerċjali reġjonali u multilaterali,

(ii)

l-iżvilupp ta' snajja' lokali, li jservu biex jippreżervaw il-wirt kulturali lokali,

(iii)

l-iżvilupp ta' settur privat lokali soċjalment u ekoloġikament responsabbli u t-titjib tal-ambjent tan-negozju,

(iv)

il-promozzjoni ta' politiki ekonomiċi effettivi li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ekonomija lokali u l-industriji lokali, lejn ekonomija ekoloġika u inklużiva, l-effiċjenza fir-riżorsi u proċessi ta' konsum u produzzjoni sostenibbli.

(v)

il-promozzjoni tal-użu tal-komunikazzjoni elettronika bħala għodda biex issostni t-tkabbir favur il-fqar mas-setturi kollha sabiex tingħalaq il-qasma diġitali bejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk industrijalizzati u ġo pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jinkiseb qafas politiku u regolatorju adegwat f'dan il-qasam u jkun promoss l-iżvilupp tal-infrastruttura neċessarja u l-użu tas-servizzi u l-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-ICT.

(vi)

il-promozzjoni ta' inklużjoni finanzjarja billi jitrawwem l-aċċess għal u l-użu effettiv tas-servizzi finanzjarji, bħall-mikrokreditu u t-tfaddil, il-mikro-assigurazzjoni u t-trasferiment tal-pagamenti, mill-mikrointrapriżi u l-SMEs u l-unitajiet domestiċi, b'mod partikolari l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli.

(h)   Kultura

(i)

il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u r-rispett għad-dinjità ugwali tal-kulturi kollha;

(ii)

il-promozzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali sabiex tistimola l-kontribut ta' industriji kulturali għat-tkabbir ekonomiku f'pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħha għall-ġlieda kontra l-faqar, li jinkludi l-indirizzar ta' kwistjonijiet bħall-aċċess għas-suq u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali;

(iii)

il-promozzjoni tar-rispett għall-valuri soċjali, kulturali u spiritwali ta' popli indiġeni u minoranzi sabiex jitjiebu l-ugwaljanza u l-ġustizzja f'soċjetajiet multi-etniċi f'konformità mad-drittijiet universali tal-bniedem li għalihom kulħadd għandu jedd, inklużi popli indiġeni u persuni li jagħmlu parti minn minoranzi;

(iv)

l-appoġġ għall-kultura bħala settur ekonomiku promettenti għall-iżvilupp u t-tkabbir.

IV.   Is-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment u l-agrikoltura sostenibbli

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenzi u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab fuq l-erba' pilastri tas-sigurtà tal-ikel b'approċċ sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi: id-disponibbiltà (produzzjoni) tal-ikel, l-aċċess (inklużi l-art, l-infrastruttura għat-trasport tal-ikel minn żoni biż-żejjed għal żoni bin-nieqes, is-swieq, l-istabbiliment ta' riżervi domestiċi tal-ikel, ix-xbieki tas-sigurtà), l-użu (interventi ta' nutriment b'kuxjenza soċjali) u l-istabbiltà, filwaqt li tindirizza l-kummerċ ġust u tipprijoritizza ħames dimensjonijiet: l-agrikoltura ta' skala żgħira u ż-żamma tal-bhejjem, l-ipproċessar tal-ikel biex jinħoloq valur miżjud, il-governanza, l-integrazzjoni reġjonali u l-mekkaniżmi ta' assistenza għall-popolazzjonijiet vulnerabbli, b'dawn li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni tal-iżvilupp tal-agrikoltura sostenibbli fuq skala żgħira u ż-żamma tal-bhejjem permezz ta' aċċess sigur għal teknoloġija bbażata fuq l-ekosistemi, b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima (inkluż teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni), permezz tar-rikonoxximent, il-promozzjoni u t-tisħiħ ta' strateġiji awtonomi ta' adattament fir-rigward tat-tibdil fil-klima, u permezz ta' estensjoni u servizzi tekniċi, skemi ta' żvilupp rurali, miżuri ta' investiment produttivi u responsabbli, f'konformità ma' linji gwida internazzjonali, il-ġestjoni sostenibbli tal-art u r-riżorsi naturali, il-ħarsien tad-drittijiet fuq l-art tal-popolazzjoni fid-diversi forom tagħha u l-aċċess għall-art għall-popolazzjonijiet lokali, il-ħarsien tad-diversità ġenetika, f'ambjent ekonomiku favorevoli;

(b)

appoġġ għat-tfassil tal-politika ambjentalment u soċjalment responsabbli u l-governanza tas-setturi relevanti, ir-rwol tal-atturi pubbliċi u dawk mhux pubbliċi fir-regolamentazzjoni tagħha u l-użu tal-beni pubbliċi, il-kapaċità organizzattiva tagħha, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-istituzzjonijiet;

(c)

it-tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel u tan-nutriment permezz ta' politiki adegwati, inkluż il-protezzjoni tas-servizzi ta' bijodiversità u tal-ekosistemi, politiki għall-adattament għall-klima, sistemi ta' informazzjoni, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' kriżijiet, u strateġiji ta' nutriment għall-popolazzjonijiet vulnerabbli li jimmobilizzaw ir-riżorsi meħtieġa biex jitwasslu interventi bażiċi li jistgħu jipprevjenu l-maġġoranza vasta ta' każijiet ta' malnutriment;

(d)

it-trawwim ta' prattiki sikuri u sostenibbli permezz tal-katina tal-ikel u l-għalf.

V.   Il-migrazzjoni u l-asil

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam hija maħsuba li ssaħħaħ id-djalogu politiku, il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien u l-esperjenza u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali sabiex tiġi appoġġata l-mobbiltà tal-bniedem bħala element pożittiv tal-iżvilupp tal-bniedem. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam, ibbażata fuq approċċ li jħaddan id-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk ċivili u politiċi, jew ekonomiċi, soċjali u kulturali, ser tindirizza l-isfidi tal-flussi migratorji, inkluża l-migrazzjoni bejn in-Nofsinhar u n-Nofsinhar, is-sitwazzjoni ta' migranti vulnerabbli bħal minuri mhux akkumpanjati, vittmi ta' traffikar, persuni li jfittxu l-asil, migranti nisa, u l-kondizzjoni ta' tfal, nisa u familji li jitħallew fil-pajjiżi tal-oriġini, b'dawn li ġejjin:

(a)

il-promozzjoni ta' governanza tal-migrazzjoni fil-livelli kollha, b'enfasi partikolari fuq il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-migrazzjoni, u r-rikonoxximent tar-rwol ewlieni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża d-dijaspora, u l-awtoritajiet lokali fl-indirizzar tal-migrazzjoni bħala komponent essenzjali tal-istrateġija dwar l-iżvilupp;

(b)

tiġi żgurata ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-gvernijiet u partijiet interessati rilevanti oħra fil-pajjiżi sħab f'oqsma bħal: il-migrazzjoni legali u l-mobbiltà; il-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari, il-kuntrabandu ta' migranti u t-traffikar tal-bnedmin; il-faċilitazzjoni tar-ritorn sostenibbli tal-migranti irregolari u l-appoġġ għar-ritorn volontarju u l-integrazzjoni mill-ġdid; kapaċitajiet ta' ġestjoni integrata tal-fruntieri; u l-protezzjoni internazzjonali u l-asil.

(c)

jiġi massimizzat l-impatt tal-iżvilupp taż-żieda fil-mobbiltà reġjonali u globali tal-persuni, u b'mod partikolari tal-migrazzjoni tax-xogħol ġestita tajjeb, tittejjeb l-integrazzjoni tal-migranti fil-pajjiżi tad-destinazzjoni, jiġu promossi u protetti d-drittijiet tal-migranti u l-familji tagħhom, permezz ta' appoġġ għall-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki reġjonali u nazzjonali tajba dwar il-migrazzjoni u l-asil, permezz tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-migrazzjoni f'politiki reġjonali u nazzjonali oħra u permezz ta' appoġġ għall-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-migranti u l-awtoritajiet lokali fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-proċessi tal-implimentazzjoni tal-politika;

(d)

jiġi mtejjeb fehim komuni tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, inklużi l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-politiki tal-gvern, sew jekk ikunu fis-settur tal-migrazzjoni/asil jew f'setturi oħra;

(e)

tissaħħaħ il-kapaċità tal-asil u tal-akkoljenza f'pajjiżi sħab.

Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam ser tiġi ġestita f'koerenza mal-Fond tal-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, b'rispett sħiħ għall-prinċipju tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp.

B.   ’IL-PROGRAMM 'ORGANIZZAZZJONIJIET TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-AWTORITAJIET LOKALI’

F'konformità mal-konklużjonijiet tal-Inizjattiva ta' Djalogu Strutturat tal-Kummissjoni u l-appoġġ tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba, l-objettiv ta' dan il-programm hu li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab u, meta previst f'dan ir-Regolament, fl-Unjoni, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali. Għandu l-għan li jrawwem ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni u l-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-iskambju ta' għarfien u esperjenzi u kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali fil-pajjiżi sħab b'appoġġ għall-għanijiet ta' żvilupp maqbula internazzjonalment.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, ’l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili’ huma atturi mhux tal-Istat, li ma jagħmlux profitt u joperaw fuq bażi indipendenti u b'obbligu ta' rendikont li jinkludu: organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw popli indiġeni, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw minoranzi nazzjonali u/ jew etniċi, organizzazzjonijiet ta' dijaspora, organizzazzjonijiet ta' migranti f'pajjiżi sħab, assoċjazzjonijiet tal-kummerċjanti lokali u gruppi taċ-ċittadini, kooperattivi, assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem u trade unions (sħab soċjali), organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw interessi soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-korruzzjoni u l-frodi u jippromwovu governanza tajba, organizzazzjonijiet għad-drittijiet ċivili u organizzazzjonijiet li jiġġieldu d-diskriminazzjoni, organizzazzjonijiet lokali (inkluż netwerks) involuti fil-kooperazzjoni u l-integrazzjoni deċentralizzati reġjonali, organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, organizzazzjonijiet tan-nisa u taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet ambjentali, tat-tagħlim, kulturali, ta' riċerka u xjentifiċi, universitajiet, knejjes u assoċjazzjonijiet u komunitajiet reliġjużi, il-mezzi tax-xandir u kwalunkwe assoċjazzjoni mhux governattiva u fondazzjoni indipendenti, inkluż fondazzjonijiet politiċi indipendenti, li huwa probabbli li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, ’awtoritajiet’ lokali jinkludu varjetà kbira ta' livelli subnazzjonali u friegħi tal-gvern, jiġifieri muniċipalitajiet, komunitajiet, distretti, kontej, provinċji, reġjuni eċċ.

Dan il-programm għandu jikkontribwixxi għal:

(a)

soċjetà inklużiva u mogħtija s-setgħa fil-pajjiżi sħab permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali msaħħa u servizzi bażiċi mogħtija lill-popolazzjonijiet fil-bżonn;

(b)

livell akbar ta' sensibilizzazzjoni fl-Ewropa rigward kwistjonijiet ta' żvilupp u mobilizzazzjoni ta' appoġġ pubbliku attiv fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għal strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab;

(c)

kapaċità akbar tan-netwerks, il-pjattaformi u l-alleanzi tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali Ewropej u tan-Nofsinhar sabiex ikun żgurat djalogu politiku sostantiv u kontinwu fil-qasam tal-iżvilupp u sabiex tiġi promossa l-governanza demokratika.

Attivitajiet possibbli li ser jiġu appoġġati mill-programm:

(a)

interventi f'pajjiżi sħab li jappoġġaw gruppi vulnerabbli u emarġinati billi jipprovdu servizzi bażiċi mogħtija permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali;

(b)

żvilupp tal-kapaċità tal-atturi fil-mira, komplementari għall-appoġġ mogħti fil-qafas tal-programm nazzjonali, azzjonijiet immirati sabiex:

(i)

joħolqu l-ambjent favorevoli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-azzjoni tas-soċjetà ċivili u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jipparteċipaw b'mod effettiv fil-formulazzjoni tal-politika u fil-monitoraġġ tal-proċessi tal-implimentazzjoni tal-politika;

(ii)

jiffaċilitaw djalogu mtejjeb u interazzjoni aħjar bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali, l-Istat u atturi oħra tal-iżvilupp fil-kuntest tal-iżvilupp;

(iii)

isaħħu l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċess ta' żvilupp filwaqt li jiġu rikonoxxuti r-rwol u l-ispeċifiċitajiet partikolari tagħhom;

(c)

titqajjem kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet ta' żvilupp, tingħata s-setgħa lil persuni sabiex isiru ċittadini attivi u responsabbli u tiġi promossa edukazzjoni formali u informali għall-iżvilupp fl-Unjoni, fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, sabiex il-politika dwar l-iżvilupp tiġi ankrata fis-soċjetà, jiġi mobilizzat appoġġ pubbliku akbar għall-azzjoni kontra l-faqar u għal relazzjonijiet aktar ekwi bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, titqajjem kuxjenza dwar il-kwistjonijiet u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-popli tagħhom, u biex jiġi promoss id-dritt għal proċess ta' żvilupp li fih jistgħu jitwettqu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha u d-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni;

(d)

koordinazzjoni, żvilupp tal-kapaċità u tisħiħ istituzzjonali tas-soċjetà ċivili u tan-netwerks tal-awtoritajiet lokali, fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom u bejn tipi differenti ta' partijiet interessati attivi fid-dibattitu pubbliku dwar l-iżvilupp kif ukoll il-koordinazzjoni, l-iżvilupp tal-kapaċità u t-tisħiħ istituzzjonali tan-netwerks tan-Nofsinhar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet ċentrali.


ANNESS III

OQSMA TA' KOOPERAZZJONI TAĦT IL-PROGRAMM PAN-AFRIKAN

Il-programm Pan-Afrikan għandu jappoġġa l-objettivi u l-prinċipji ġenerali tas-sħubija strateġika bejn Afrika u l-Unjoni. Huwa se jippromwovi l-prinċipji ta' sħubija ffokata fuq in-nies u “li tittratta lill-Afrika bħala waħda”, kif ukoll il-koerenza bejn il-livelli reġjonali u kontinentali. Hu ser jiffoka fuq attivitajiet ta' natura transreġjonali, kontinentali jew globali fi u mal-Afrika, u jappoġġa inizjattivi konġunti UE-Afrika fix-xena globali. Il-programm b'mod partikolari għandu jipprovdi appoġġ fl-oqsma tas-sħubija li ġejjin:

(a)

il-paċi u sigurtà,

(b)

governanza demokratika u d-drittijiet tal-bniedem,

(c)

il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u l-infrastruttura (inklużi l-materji primi),

(d)

l-MDGs u l-miri ġodda ta' żvilupp ta' wara l-2015 maqbula internazzjonalment,

(e)

l-enerġija,

(f)

it-tibdil fil-klima u l-ambjent,

(g)

il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-impjiegi,

(h)

ix-xjenza, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-ispazju,

(i)

kwistjonijiet trasversali.


ANNESS IV

ALLOKAZZJONIJIET FINANZJARJI INDIKATTIVI GĦALL-PERIJODU 2014-2020

(ċifri monetarji f'miljuni ta' EUR)

Total

19 662

(1)

Programmi ġeografiċi

11 809  (1)

(a)

Għal kull żona ġeografika

 

(i)

L-Amerika Latina

2 500

(ii)

L-Asja t'Isfel

3 813

(iii)

L-Asja ta' Fuq u tax-Xlokk

2 870

(iv)

L-Asja Ċentrali

1 072

(v)

Il-Lvant Nofsani

545

(vi)

Pajjiżi Oħra

251

(b)

Għal kull żona ta' kooperazzjoni

 

(i)

Id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba

mill-inqas 15 %

(ii)

Tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

mill-inqas 45 %

(2)

Programmi tematiċi

7 008

(a)

Beni pubbliċi globali u sfidi globali

5 101

(i)

L-ambjent u t-tibdil fil-klima (2)

27 %

(ii)

L-enerġija sostenibbli

12 %

(iii)

L-iżvilupp tal-bniedem, inklużi xogħol deċenti, ġustizzja soċjali u kultura

25 %

li minnhom:

 

Is-saħħa

mill-anqas 40 %

L-edukazzjoni, l- għarfien u l-ħiliet

mill-anqas 17,5 %

L-ugwaljanza bejn is-sessi, l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa u l-bniet; it-tfal u ż-żgħażagħ, in-nondiskriminazzjoni; l-impjiegi, il-ħiliet, l-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali; it-tkabbir, l-impjiegi impenn tas-settur privat, kultura

mill-anqas 27,5 %

(iv)

Is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u n-nutrizzjoni u l-agrikoltura sostenibbli

29 %

(v)

Il-migrazzjoni u l-asil

7 %

Mill-inqas 50 % tal-fondi, qabel l-użu tal-indikaturi bbażati fuq il-metodoloġija tal-OECD (l-indikaturi ta' Rio), ser iservu għall-azzjoni klimatika u l-objettivi relatati mal-ambjent.

(b)

L-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili u l-Awtoritajiet Lokali

1 907

(3)

Programm Pan-Afrikan

845


(1)  Li minnhom EUR 758 miljun huma fondi mhux allokati.

(2)  Fil-prinċipju, il-fondi ser ikunu allokati b'mod ekwu bejn l-ambjent u t-tibdil fil-klima.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, fi ħdan pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-Iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strumentgħall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, dawn il-pajjiżi msieħba jitqiesu eliġibbli għal kooperazjoni bilaterali, bħala każijiet eċċezzjonali, inkluż fid-dawl tal-eliminazzjoni gradwali tal-għoti ta' għajnuna għall-iżvilupp: Kuba, il-Kolombja, l-Ekwador, il-Peru u l-Afrika t'Isfel.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020

Il-Kummissjoni Ewropea se tfittex il-fehmiet tal-Parlament Ewropew qabel tibdel l-applikazzjoni tal-punt (ii) tal-punt (b) tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-allokazzjoni għal servizzi bażiċi

Ir-Regolament Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020 għandu jippermetti li l-Unjoni tikkontribwixxi biex tissodisfa l-impenn konġunt tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ kontinwu għall-iżvilupp tal-bniedem biex tittejjeb ħajjet in-nies b'konformità mal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Mill-inqas 20 % tal-assistenza allokata taħt ir-Regolament se tkun allokata għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni, u għall-edukazzjoni sekondarja, filwaqt li jkun rikonoxxut li livell ta' flessibilità irid jkun in-norma, bħal każijiet fejn tkun involuta assistenza eċċezzjonali. Id-dejta li tikkonċerna r-rispett ta' din id-dikjarazzjoni se tkun inkluża fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrument tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni ta' assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropew jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewopew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihom l-ebda referenza espliċita għall-possibbiltà li l-assitenza tiġi sospiża f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/77


REGOLAMENT (UE) Nru 234/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għal kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207(2), 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1)

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni għandha tfittex li tiżviluppa relazzjonijiet u tibni sħubiji ma' pajjiżi terzi. Dan ir-Regolament jikkostitwixxi strument ġdid u komplimentarju li jipprovdi appoġġ dirett għal-linji ta' politiki esterni tal-Unjoni, li jespandi s-sħubiji ta' kooperazzjoni u d-djalogi ta' politika għal oqsma u suġġetti lil hinn mill-kooperazzjoni fl-iżvilupp. Dan jibni fuq l-esperjenza miksuba ma' pajjiżi industrijalizzati u pajjiżi u territorji bi dħul għoli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 (3).

(2)

L-ambitu tal-kooperazzjoni skont il-programmi ġeografiċi mal-pajjiżi, territorji u reġjuni li qed jiżviluppaw taħt l-istrument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huwa limitat kważi interament għal miżuri ta' finanzjament maħsubin biex jissodisfaw il-kriterji għal għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) stabbiliti mill-Kumitat tal-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (DAC-OECD).

(3)

Matul l-aħħar deċennju, l-Unjoni saħħet konsistentement ir-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma' firxa wiesgħa ta' pajjiżi industrijalizzati u pajjiżi u territorji oħra bi dħul għoli jew dħul medju f'reġjuni differenti tad-dinja kollha.

(4)

L-Unjoni teħtieġ strument finanzjarju fil-qasam tal-politika barranija li jkollu ambitu globali li jippermetti l-finanzjament ta' miżuri li jaf ma jikkwalifikawx bħala ODA iżda li huma importanti ħafna għat-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kkonċernati, b'mod partikolari permezz ta' djalogi politiċi u l-iżvilupp ta' sħubijiet. Dak l-istrument il-ġdid, innovattiv f'termini ta' ambitu u objettivi, għandu joħloq ambjent pożittiv għal relazzjoni aktar profonda bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi rilevanti, u għandu jippromovi interessi ċentrali tal-Unjoni.

(5)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tapprofondixxi r-relazzjonijiet tagħha u d-djalogu ma' pajjiżi li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' rabtiet, speċjalment ma' pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw li għandhom rwol dejjem aktar importanti fl-affarijiet dinjija, inkluż fil-governanza globali, il-politika barranija, l-ekonomija internazzjonali, il-fora u l-korpi multilaterali bħall-G8 u l-G20, u fl-indirizza ta' sfidi ta' tħassib globali.

(6)

L-Unjoni teħtieġ li tibni sħubiji komprensivi ma' atturi ġodda fix-xena internazzjonali sabiex tippromwovi ordni internazzjonali stabbli u inklużiv, issegwi l-beni pubbliċi globali komuni, u tippromwovi l-interessi ewlenin tal-Unjoni kif ukoll għarfien akbar dwar l-Unjoni f'dawk il-pajjiżi.

(7)

Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li tkundinjija, li jippermetti l-appoġġ għal miżuri ta' kooperazzjoni kif opportun, biex isostnu r-relazzjonijiet ma' kwalunkwe pajjiż li fih l-Unjoni għandha interessi strateġiċi, f'konformità mal-objettivi ta' dan ir-Regolament.

(8)

Huwa fl-interess tal-Unjoni li tkompli tippromwovi d-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi li m'għadhomx jikkwalifikaw għal programmi bilaterali taħt l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) (“l-'Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp”).

(9)

Barra minn hekk, huwa fl-interess tal-Unjoni li jkollha istituzzjonijiet globali inklużivi, ibbażati fuq multilateraliżmu effettiv u li taħdem lejn dak il-għan.

(10)

Skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tappoġġa l-implimentazzjoni tad-dimensjoni esterna tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010, intitolata “Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (“Ewropa 2020”) li tgħaqqad it-tliet pilastri: ekonomiku, soċjali u ambjentali. B'mod partikolari, dan ir-Regolament għandu jappoġġa l-objettivi relatati ma' kwistjonijiet globali bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza fir-riżorsi, it-transizzjoni għal ekonomija aktar ekoloġika, ix-xjenza, l-innovazzjoni u l-kompetittività, il-mobbiltà, il-kummerċ u l-investiment, is-sħubiji ekonomiċi, in-negozju, l-impjiegi u l-kooperazzjoni regolatorja ma' pajjiżi terzi, u aċċess aħjar għall-kumpanniji mill-Unjoni inkluża l-internazzjonalizzazjoni tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Huwa għandu wkoll jippromwovi d-diplomazija pubblika, il-kooperazzjoni f'affarijiet edukattivi u akkademiċi u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni.

(11)

B'mod partikolari, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hi rikonoxxuta bħala waħda mill-isfidi globali l-kbar li qed jiffaċċaw l-Unjoni u l-komunità internazzjonali usa'. It-tibdil fil-klima huwa qasam fejn tenħtieġ azzjoni internazzjonali urġenti u fejn il-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni teħtieġ il-kooperazzjoni minn pajjiżi sħab. Għalhekk l-Unjoni għandha tintensifika l-isforzi tagħha fil-promozzjoni ta' kunsens globali f'dan ir-rigward. F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2011 intitolata “Baġit għall-Ewropa 2020”, li tappella lill-Unjoni li żżid is-sehem mill-baġit tagħha relatat mal-klima għal tal-anqas 20 %, dan ir-Regolament għandu jikkontribwixxi għall-ilħuq ta' dak il-għan.

(12)

Sfidi transnazzjonali, bħad-degradazzjoni ambjentali u l-aċċess għal materja prima u elementi terrestri rari u l-użu sostenibbli tagħhom, jeħtieġu approċċ inklużiv u bbażat fuq regoli.

(13)

L-Unjoni ħadet l-impenn li tgħin sabiex jintlaħqu l-miri globali tal-2020 dwar il-bijodiversità u sabiex tagħti riżultati rigward l-Istrateġija assoċjata għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi.

(14)

L-Unjoni ħadet l-impenn fir-relazzjonijet tagħha ma' sħab mad-dinja kollha li tippromwovi x-xogħol deċenti għal kulħadd, kif ukoll li tirratifika u timplimenta b'mod effettiv l-istandards tax-xogħol rikonoxxuti fil-livell internazzjonali u l-ftehimiet ambjentali multilaterali.

(15)

Interess strateġiku importanti tal-Unjoni hu li tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi bil-promozzjoni tal-kummerċ ġust u miftuħ u l-investiment fil-livell multilaterali u bilaterali u bl-appoġġ tan-negozjar u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar il-kummerċ u l-investiment li l-Unjoni hija parti għalihom. Skont dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' klima sigura għal żieda fl-opportunitajiet ta' kummerċ u investiment mad-dinja kollha għall-kumpanniji mill-Unjoni fid-dinja kollha, mhux l-inqas l-SMEs, inkluż billi tappoġġa l-kooperazzjoni u l-konverġenza regolatorji, tippromwovi l-istandards internazzjonali, ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u timmira t-tneħħija ta' ostakoli mhux ġustifikati għall-aċċess għas-suq.

(16)

Skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li spiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess,, u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(17)

L-Unjoni għandha tfittex li tagħmel l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan ir-Regolament, strumenti oħra għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament ta' azzjoni esterna.

(18)

Bil-għan li tiġi żgurata l-viżibbiltà favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi benefiċjarji u ċ-ċittadini tal-Unjoni tal-assistenza tal-Unjoni, għandu jkun hemm, fejn adatt, komunikazzjoni u informazzjoni mmirati b'mezzi adegwati.

(19)

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġi segwit approċċ differenzjat u flessibbli mal-pajjiżi sħab ewlenin li jieħu kont tal-kuntesti ekonomiċi, soċjali u politiċi tagħhom, kif ukoll l-interessi speċifiċi tal-Unjoni, il-prijoritajiet u l-istrateġiji tal-politika, filwaqt li tinżamm il-kapaċità għal intervent fid-dinja kollha fejn ikun meħtieġ. L-Unjoni għandha tapplika approċċ komprensiv għall-politika barranija inklużi l-politiki settorjali tal-Unjoni.

(20)

Sabiex tieħu l-impenn tagħha sabiex tippromwovi u tiddefendi l-interessi tagħha fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi b'mod aktar effettiv, l-Unjoni għandha tkun kapaċi tirrispondi b'mod flessibbli u f'waqtu għal ħtiġijiet li jevolvu jew mhux previsti billi tadotta miżuri speċjali mhux koperti mill-programmi indikattivi pluriennali.

(21)

L-objettivi ta' dan ir-Regolament għandhom, fejn possibbli u adatt, jiġu segwiti f'konsultazzjoni ma' sħab u partijiet interessati rilevanti, inklużi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u awtoritajiet lokali, b'kont meħud tal-importanza tar-rwoli tagħhom.

(22)

L-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tikkontribwixxi għal riżultati ċari (li jkopru l-outputs, l-eżiti u l-impatti) f'pajjiżi li jibbenefikaw mill-għajnuna tal-Unjoni. Kull meta jkun adatt u possibbli, ir-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-effiċjenza tal-istrument stabbilit minn dan ir-Regolament għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, indikaturi speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-objettivi ta' dak l-istrument.

(23)

L-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom, fejn adatt, jieħdu kont debitu tar-Riżoluzzjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

(24)

Sabiex il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi adattat għar-realtà li qed tevolvi malajr fil-pajjiżi terzi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-prijoritajiet definiti fl-Anness. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qed tipprepara u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tibgħat id-dokumenti rilevanti simultanjament, f'waqthom u kif adatt, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(25)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari in-natura ta' orjentament tal-linja politika tagħhom u tal-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi fuq skala finanzjarja żgħira.

(26)

Ir-regoli u l-proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(27)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu ta' applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, kooperazzjoni f'materji baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(28)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

(29)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(30)

Huwa xieraq li l-perjodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (l-“Istrument ta' Sħubija”) sabiex jiġu avvanzati u promossi l-interessi tal-Unjoni u dawk reċiproċi. L-Istrument ta' Sħubija għandu jappoġġa miżuri li jirrispondu b'mod effettiv u flessibbli għall-objettiv li jirriżultaw minn relazzjonijiet bilaterali, reġjonali jew multilaterali tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi u għandu jindirizza sfidi ta' tħassib globali, jew jiżgura segwitu adegwat għad-deċiżjonijiet meħuda f'livell multilaterali.

2.   Il-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-Istrument ta' Sħubija għandhom jirriflettu l-objettivi speċifiċi tal-Unjoni li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għall-istrateġiji ta' sħubija għall-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u interreġjonali tal-Unjoni u l-promozzjoni tad-djalogu politiku u l-iżvilupp ta' approċċi u reazzjonijiet kollettivi għall-isfidi ta' tħassib globali. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel, inter alia, mill-progress li jsir mill-pajjiżi sħab ewlenin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jew fil-promozzjoni tal-istandards ambjentali tal-Unjoni;

(b)

l-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-“Ewropa 2020”. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel permezz tal-użu tal-politiki u l-objettivi tal-“Ewropa 2020” mill-pajjiżi sħab ewlenin;

(c)

it-titjib tal-aċċess għas-swieq tal-pajjiżi sħab u l-għoti ta' spinta lill-opportunitajiet ta' kummerċ, investiment u negozju għall-kumpanniji mill-Unjoni, filwaqt li jiġu eliminati l-ostakoli għall-aċċess għas-suq u l-investiment, permezz ta' sħubiji ekonomiċi, negozju u kooperazzjoni regolatorja. L-ilħuq ta' dak l-objettiv għandu jitkejjel permezz tas-sehem tal-Unjoni f'kummerċ barrani mal-pajjiżi sħab ewlenin u bil-flussi ta' kummerċ u ta' investiment lejn il-pajjiżi sħab immirati b'mod speċifiku b'azzjonijiet, programmi u miżuri taħt dan ir-Regolament;

(d)

it-tisħiħ fl-għarfien u l-viżibbiltà wiesgħa tal-Unjoni u tar-rwol tagħha fix-xena dinjija permezz ta' diplomazija pubblika, kuntatti bejn il-persuni, kooperazzjoni fi kwistjonijiet edukattivi u akkademiċi, bejn gruppi ta' riflessjoni u attivitajiet ta' komunikazzjoni għall-promozzjoni tal-valuri u l-interessi tal-Unjoni. L-ilħuq ta' dak l-objettiv jista' jitkejjel, inter alia, permezz ta' stħarriġ jew evalwazzjonijiet tal-opinjonijiet.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jappoġġa primarjament miżuri ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi, li magħhom l-Unjoni għandha interess strateġiku fil-promozzjoni ta' konnessjonijiet, speċjalment pajjiżi żviluppati u pajjiżi li qed jiżviluppaw li għandhom rwol dejjem aktar prominenti f'affarijiet globali, inkluża l-politika barranija, l-ekonomija internazzjonali u l-kummerċ, f'fora multilaterali u fil-governanza globali u fl-indirizzar tal-isfidi ta' tħassib globali jew fejn l-Unjoni għandha interessi sinifikanti oħra.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-pajjiżi, ir-reġjuni u t-territorji terzi kollha jistgħu jkunu eliġibbli għall-kooperazzjoni taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.   L-Unjoni tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-ugwaljanza, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li hija mibnija fuqhom, permezz ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi.

2.   Sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza tal-Unjoni, għandu jiġi segwit approċċ differenzjat u flessibbli, fejn adatt, fit-tfassil tal-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi b'kont meħud tal-kuntest ekonomiku, soċjali u dak politiku tagħhom, kif ukoll tal-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet tal-politika u l-istrateġiji tal-Unjoni.

3.   L-Unjoni għandha tippromwovi approċċ multilaterali koerenti lejn l-isfidi globali u għandha trawwem il-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet u l-korpi internazzjonali jew reġjonali, inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, il-fondi u l-programmi, u donaturi bilaterali oħra.

4.   Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u fil-formulazzjoni tal-politika, l-ippjanar u l-ipprogrammar strateġiku u l-miżuri ta' implimentazzjoni, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tiżgura l-koerenza u l-konsistenza ma' oqsma oħra tal-azzjoni esterna tagħha, b'mod partikolari l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ma' linji ta' politika rilevanti oħra tal-Unjoni.

5.   Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu bbażati, fejn adatt, fuq il-linji ta' politika dwar il-kooperazzjoni mniżżla fi strumenti, bħal ftehimiet, dikjarazzjonijiet u pjani ta' azzjoni, maqbula bejn l-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kkonċernati jew bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi u r-reġjuni kkonċernati.

Il-miżuri ffinanzjati taħt dan ir-Regolament għandhom ikopru wkoll oqsma marbuta mal-promozzjoni tal-interessi speċifiċi, il-prijoritajiet ta' politika u l-istrateġiji tal-Unjoni.

6.   L-appoġġ tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandu jiġi implimentat f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

Artikolu 4

Programmar u allokazzjoni indikattiva tal-fondi

1.   Il-programmi indikattivi pluriennali (PIP) għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

2.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu l-interessi u l-prijoritajiet strateġiċi u/jew reċiproċi tal-Unjoni, l-objettivi speċifiċi u r-riżultati mistennija. Għall-pajjiżi jew ir-reġjuni li għalihom ikun ġie stabbilit dokument ta' qafas konġunt, li jistabbilixxi strateġija komprensiva tal-Unjoni, il-programmi indikattivi pluriennali għandhom ikunu bbażati fuq dak id-dokument.

3.   Il-programmi indikattivi pluriennali għandhom jistabbilixxu wkoll l-oqsma ta' prijorità magħżula għall-finanzjament mill-Unjoni u għandhom jiddeskrivu l-allokazzjoni indikattiva tal-fondi, f'termini ġenerali, għal kull qasam prijoritarju u għal kull pajjiż sieħeb jew grupp ta' pajjiżi sħab għall-perijodu kkonċernat, inkluża l-parteċipazzjoni f'attivitajiet globali. Dawk l-ammonti jistgħu, fejn adatt, jiġu espressi fil-forma ta' firxa.

4.   Il-programmi indikattivi pluriennali jistgħu jipprovdu ammont ta' fondi, li ma jaqbżux il-5 % tal-ammont totali, li mhuwiex allokat għal qasam ta' prijorità jew għal pajjiż jew grupp ta' pajjiżi sħab. Dawk il-fondi għandhom jiġu assenjati f'konformità mal-Artikolu 2(2), (3) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014.

5.   Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 tista' tiġi applikata bil-għan li jiġu modifikati l-programmi indikattivi pluriennali għal raġunijiet ta' urġenza imperattivi debitament ġustifikati.

6.   Sabiex tikseb l-objettivi stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni tista' tieħu kont tal-prossimità ġeografika tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni u l-pajjiżi u t-territorji barranin fil-kooperazzjoni tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi.

7.   Kwalunkwe programmar jew rieżami ta' programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 (ir-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu') għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 5

Prijoritajiet tematiċi

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 6 biex temenda l-prijoritajiet tematiċi li għandhom jiġu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament, kif stabbiliti fl-Anness għal dan ir-Regolament. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu, u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jemenda l-Anness għal dan ir-Regolament sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 6

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 5 hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati imsemmija fl-Artikolu 5 għandha tingħata lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 5 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tieħu effett fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 5 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn lil huma infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat għall-Istrument ta' Sħubija. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Pakkett finanzjarju

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2014-2020 għandu jkun EUR 954 765 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

2.   Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) sabiex tiġi promossa d-dimensjoni internazzjonali tal-edukazzjoni għolja, ammont indikattiv ta' EUR 1 680 000 000 mill-istrumenti differenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, (l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, l-Istrument Ewropew ta' Viċinat, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u l-Istrument ta' Sħubija) għandhom jiġu allokati għal azzjonijiet fir-rigward tal-mobbiltà tat-tagħlim lejn jew mill-pajjiżi sħab fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013, u għall-kooperazzjoni u d-djalogu ta' politika mal-awtoritajiet, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi. Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandu japplika għall-użu ta' dak il-fondi.

Il-finanzjament għandu jkun disponibbli permezz ta' żewġ allokazzjonijiet pluriennali li jkopru l-ewwel erba' snin u t-tliet snin li jkun baqa' rispettivament. L-allokazzjoni ta' dak il-finanzjament għandu jkun rifless fl-ipprogrammar indikattiv pluriennali previst f'dan ir-Regolament, f'konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet identifikati tal-pajjiżi kkonċernati. L-allokazzjonijiet jistgħu jiġu riveduti fil-każ ta' ċirkostanzi importanti mhux previsti jew bidliet politiċi importanti f'konformità mal-prijoritajiet tal-azzjoni esterna tal-UE.

3.   L-azzjonijiet fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 għandhom jiġu ffinanzjati mill-Istrument ta' Sħubija biss dment li ma jkunux eliġibbli għal finanzjament taħt strumenti oħrajn għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, u jikkumplementaw jew isaħħu inizjattivi oħra taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità mad-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1934/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi u territorji industrijalizzati u oħrajn bi dħul għoli (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 41).

(4)  Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(5)  Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perijodu 2014-2020 (ara l-paġna 44 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament (UE) Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(11)  Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, 1720/2006/KE u 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).

(12)  Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew ta' Viċinat (ara l-paġna 27 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(13)  Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(ara l-paġna 11 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

PRIJORITAJIET TEMATIĊI TAĦT L-ISTRUMENT TA' SĦUBIJA: QAFAS ĠENERALI GĦALL-IPPROGRAMMAR

1.   Objettiv stabbilit fil-punt (a) tal-Artikolu 1(2):

L-appoġġ għall-istrateġiji ta' sħubija għall-kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u interreġjonali tal-Unjoni billi jiġi promoss id-djalogu politiku u billi jiġu żviluppati approċċi u reazzjonijiet kollettivi għall-isfidi ta' tħassib globali.

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni, il-pjani ta' azzjoni u strumenti bilaterali simili;

L-approfondiment tad-djalogu politiku u ekonomiku ma' pajjiżi terzi ta' rilevanza partikolari fl-affarijiet dinjija, inkluż fil-politika barranija;

L-appoġġ tal-impenn mal-pajjiżi terzi rilevanti rigward kwistjonijiet bilaterali u globali ta' tħassib komuni;

Il-promozzjoni ta' segwitu xieraq jew implimentazzjoni kkoordinata tal-konklużjonijiet ta' fora internazzjonali bħall-G-20.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-isfidi globali li tindirizza b'mod partikolari t-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u l-ħarsien tal-ambjent.

L-istimulazzjoni tal-isforzi f'pajjiżi sħab għat-tnaqqis l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, b'mod partikolari bil-promozzjoni u l-appoġġ għal standards regolatorji u ta' prestazzjoni adegwati;

L-għoti ta' spinta lill-ekoloġizzazzjoni tal-produzzjoni u l-kummerċ;

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni fl-enerġija;

Il-promozzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u sostenibbli.

2.   Objettiv stabbilit fil-punt (b) tal-Artikolu 1(2):

L-implimentazzjoni tad-dimensjoni internazzjonali tal-“Ewropa 2020”, li tgħaqqad it-tliet pilastri: ekonomiku, soċjali u ambjentali:

It-tisħiħ tad-djalogu ta' politika u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi rilevanti, billi jittieħdu f'kunsiderazzjoni l-oqsma kollha fl-ambitu tal-“Ewropa 2020”;

Il-promozzjoni tal-politiki interni tal-Unjoni ma' pajjiżi sħab ewlenin u l-appoġġ għall-konverġenza regolatorja f'dan ir-rigward.

3.   Objettiv stabbilit fil-punt (c) tal-Artikolu 1(2):

Il-faċilitazzjoni u l-appoġġ ta' relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ma' pajjiżi sħab:

Il-promozzjoni ta' ambjent sigur għall-investiment u l-kummerċ, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-indirizzar tal-ostakoli għall-aċċess għas-suq, kooperazzjoni regolatorja msaħħa u l-promozzjoni ta' opportunitajiet għall-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni, speċjalment f'oqsma li fihom l-Unjoni għandha vantaġġ kompetittiv, u l-istandards internazzjonali;

L-appoġġ tan-negozjar, l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' ftehimiet ta' kummerċ u investiment li l-Unjoni hija parti għalihom.

4.   Objettiv stabbilit fil-punt (d) tal-Artikolu 1(2):

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja: it-tisħiħ tal-mobilità tal-istudenti u tal-persunal akkademiku, li jwassal għall-ħolqien ta' sħubijiet bil-għan li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni għolja u ta' lawrji konġunti li jwasslu għar-rikonoxximent akkademiku (Il-“Programm Erasmus +”);

It-tisħiħ ta' għarfien mifrux tal-Unjoni u l-ħolqien ta' profil ogħla għaliha: il-promozzjoni tal-valuri u l-interessi tal-Unjoni f'pajjiżi sħab permezz ta' diplomazija pubblika msaħħa u attivitajiet ta' komunikazzjoni li jappoġġaw l-objettivi tal-istrument.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew dwar is-sospensjoni tal-assistenza mogħtija taħt l-istrumenti finanzjarji

Il-Parlament Ewropewent jinnota li r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewopew ta' Viċinat, ir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) ma fihom l-ebda referenza espliċita għall-possibbiltà li l-assitenza tiġi sospiża f'każijiet fejn pajjiż benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi mtennija fl-istrument rispettiv u speċjalment il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijet tal-bniedem.

Il-Parlament Ewropew iqis li kull sospensjoni ta' assistenza taħt dawn l-istrumenti timmodifika l-iskema finanzjarja ġenerali miftiehma skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja. Bħala koleġiżlatur u fergħa msieħba tal-awtorità baġitarja, il-Parlament Ewropew huwa għalhekk intitolat li jeżerċita bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu f'dak ir-rigward, jekk ikollha tittieħed deċiżjoni bħal din.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/85


REGOLAMENT (UE) Nru 235/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209 u 212 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi wieħed mill-istrumenti li jipprovdu appoġġ dirett għall-politiki esterni tal-Unjoni u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Huwa jistabbilixxi strument ta' finanzjament għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja li jippermetti li tingħata assistenza indipendentement mill-kunsens tal-gvernijiet u awtoritajiet pubbliċi ta' pajjiżi terzi kkonċernati.

(2)

L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

(3)

F'konformità mal-Artikoli 2 u 3(3) TUE u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija wieħed mill-valuri u l-objettivi fundamentali tal-Unjoni u l-Unjoni għandha tippromwovi u tintegra l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha.

(4)

Skont l-Artikolu 21 TUE l-azzjoni esterna tal-Unjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li spiraw il-ħolqien tagħha stess, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(5)

Fi ħdan il-qafas tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterni tal-Unjoni, il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, u ta' tkabbir inklużiv u sostenibbli jikkostitwixxu f'żewġ pilastri bażiċi tal-politika ta' żvilupp tal-Unjoni. L-impenn li jiġu rrispettati, promossi u mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa element essenzjali tar-relazzjonijiet kuntrattwali tal-Unjoni ma' pajjiżi terzi.

(6)

Il-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta' Diċembru 2011, intitolata “Id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE — Lejn approċċ aktar effettiv”, ipproponiet miżuri speċifiċi sabiex tiżdied l-effettività u l-koerenza tal-approċċ tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija.

(7)

L-istrument b'dan stabbilit huwa maħsub li jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, inklużi dawk tal-politika ta' żvilupp,, b'mod partikolari l-objettivi stipulati fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-Politika ta' Żvilupp tal-Unjoni Ewropea intitolat “Il-Kunsens Ewropew” u fl-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011, intitolata “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”, u l-politiki tal-Unjoni relatati mad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-objettivi deskritti fil-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012.

(8)

F'konformità mal-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, sabiex jiġu integrati l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament l-Unjoni għandha tapplika approċċ ibbażat fuq id-drittijiet li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha, sew jekk huma ċivili u politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali.

(9)

Il-kontribut tal-Unjoni għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa msejjes fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, u strumenti oħra tad-drittijiet tal-bniedem adottat fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), flimkien ma' strumenti tad-drittijiet tal-bniedem reġjonali rilevanti.

(10)

L-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, inkluż l-għoti tas-setgħa lin-nisa, u n-nondiskriminazzjoni huma drittijiet fundamentali tal-bniedem, u huma essenzjali għall-ġustizzja soċjali kif ukoll għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi. Il-promozzjoni tagħhom għandha tkun prijorità trasversali ta' dan ir-Regolament.

(11)

Id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem huma inseparabbli u jsaħħu lil xulxin, kif imsemmi fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2009 dwar l-appoġġ għad-demokrazija fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-libertajiet fundamentali tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon jew tat-twemmin, l-espressjoni, l-għaqda u l-assoċjazzjoni huma l-prekondizzjoni għall-pluraliżmu politiku, il-proċess demokratiku u soċjetà miftuħa, filwaqt li l-kontroll demokratiku, ir-responsabbiltà nazzjonali u s-separazzjoni tal-poteri huma essenzjali sabiex tinżamm ġudikatura indipendenti u l-istat tad-dritt li min-naħa tagħhom huma meħtieġa għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet tal-bniedem.

(12)

Il-kompitu li tinbena u tkun sostnuta kultura ta' drittijiet tal-bniedem u li jkun hemm appoġġ għall-ħolqien ta' soċjetà ċivili indipendenti, inkluż bit-tisħiħ tar-rwol ta' tali soċjetà fil-pajjiżi rilevanti u li d-demokrazija ssir taħdem għal kulħadd, għalkemm ferm urġenti u diffiċli f'demokraziji li qed jitfaċċaw issa, essenzjalment hija sfida kontinwa li l-ewwel u qabel kollox tappartjeni lill-poplu tal-tal-pajjiż ikkonċernat iżda li bl-ebda mod ma tnaqqas l-obbligi tal-komunità internazzjonali. Jeħtieġ firxa ta' istituzzjonijiet, inklużi parlamenti nazzjonali demokratiċi u assemblej eletti fil-livell lokali, li jiżguraw il-parteċipazzjoni, ir-rappreżentanza, il-kapaċità ta' rispons u r-responsabbiltà. F'dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-pajjiżi fi transizzjoni kif ukoll is-sitwazzjonijiet fraġli jew wara kunflitt. Għandhom jitqiesu l-esperjenzi miksuba u t-tagħlimiet meħuda mit-transizzjoni lejn id-demokrazija fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tal-Unjoni.

(13)

Sabiex jindirizzaw dawk il-kwistjonijiet b'mod effettiv, trasparenti, f'waqtu u b'mod flessibbli wara l-iskadenza tar-Regolament (KE) Nru 1889/2006, hemm ħtieġa kontinwa għal riżorsi finanzjarji speċifiċi u strument ta' finanzjament separat li jista' jkompli jaħdem b'mod indipendenti.

(14)

L-għajnuna tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandha titfassal b'mod li biex tikkomplementa diversi għodod oħra għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, relatati mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Dawk l-għodod ivarjaw minn djalogu politiku u inizjattivi diplomatiċi għal diversi strumenti ta' kooperazzjoni finanzjarja u teknika, li jinkludu kemm programmi ġeografiċi kif ukoll dawk tematiċi. L-assistenza tal-Unjoni għandha tikkomplementa wkoll l-azzjonijiet aktar relatati mal-kriżi taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inklużi azzjonijiet urġenti meħtieġa matul l-ewwel fażijiet tal-proċess ta' transizzjoni.

(15)

Taħt dan ir-Regolament, l-Unjoni għandha tipprovdi assistenza biex tindirizza d-drittijiet tal-bniedem globali, reġjonali, nazzjonali u lokali u kwistjonijiet ta' demokratizzazzjoni fi sħubija mas-soċjetà ċivili. F'dan ir-rigward, soċjetà ċivili għandha tinftiehem li tinkludi t-tipi kollha ta' azzjonijiet soċjali minn individwi jew gruppi li huma indipendenti mill-istat u li l-attivitajiet tagħhom jgħinu jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kif iddefinit mid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-id-Dritt u r-Responsabbiltà ta' Individwi, Gruppi u Organi tas-Soċjetà li Jippromwovu u Jħarsu d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (“Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem”). Fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandu jittieħed kont debitu tal-istrateġiji lokali tal-Unjoni għad-drittijiet tal-bniedem speċifiċi għall-pajjiż.

(16)

Barra minn hekk, filwaqt li l-objettivi tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu dejjem iktar integrati fl-istrumenti kollha għall-finanzjament tal-azzjoni esterna, l-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandu jkollha rwol speċifiku komplementari u addizzjonali minħabba n-natura globali tagħha, u l-indipendenza tal-azzjoni tagħha mill-kunsens tal-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Dak ir-rwol speċifiku għandu jippermetti l-kooperazzjoni u s-sħubija mas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet sensittivi ta' drittijiet tal-bniedem u demokrazija, inklużi -tgawdija mill-migranti tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ta' persuni li jfittxu l-asil u persuni spustati internament, billi jipprovdi l-flessibbiltà u reattività meħtieġa biex ikun hemm reazzjoni għaċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu, jew il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, jew il-perijodi ta' kriżi. Dan ir-Regolament għandu jagħti ukoll lill-Unjoni l-kapaċità li tartikula u tappoġġa għanijiet u miżuri speċifiċi fuq il-livell internazzjonali li la huma marbuta b'mod ġeografiku u lanqas relatati ma' xi kriżi u li jistgħu jeħtieġu approċċ transnazzjonali jew jinvolvu operazzjonijiet kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll f'firxa ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jipprovdi l-qafas meħtieġ għal operazzjonijiet, bħal appoġġ għal missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali indipendenti imwettqa mill-Unjoni (MOE tal-UE), li jeħtieġu koerenza politika, sistema ta' ġestjoni unifikata u standards operattivi komuni.

(17)

L-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija skont dan ir-Regolament jistgħu possibbilment jinkludu l-għoti ta' appoġġ strateġiku għall-parlamenti demokratiċi nazzjonali u l-assemblej kostitwenti, b'mod partikolari biex itejbu l-kapaċità tagħhom li jappoġġaw u jħallu l-proċessi ta' riforma demokratika javvanzaw.

(18)

L-Unjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lil pajjiżi u sitwazzjonijiet ta' urġenza fejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huma l-aktar f'riskju u fejn id-diżrispett għal dawk id-drittijiet u libertajiet huwa partikolarment qawwi u sistematiku. F'każijiet bħal dawn, il-prijoritajiet politiċi għandhom ikunu li jiġi promoss ir-rispett għall-istrumenti internazzjonali rilevanti, u li jiġi pprovdut appoġġ tanġibbli u mezzi ta' azzjoni għas-soċjetà ċivili lokali u biex isir kontribut għall-ħidma tagħha, imwettqa f'ċirkostanzi diffiċli ħafna. Fit-tali pajjiżi jew sitwazzjonijiet, u sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet urġenti ta' protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti għad-demokrazija, l-Unjoni għandha tkun kapaċi tirreaġixxi b'mod flessibbli u f'waqtu, permezz tal-użu ta' proċeduri amministrattivi aktar rapidi u aktar flessibbli u permezz ta' firxa ta' mekkaniżmi ta' finanzjament. Dan għandu jkun partikolarment il-każ meta l-għażla ta' arranġamenti proċedurali jista' jkollha impatt dirett fuq l-effikaċja tal-miżuri jew tista' tirriżulta li l-benefiċjarji jkunu esposti għal intimidazzjoni, ritaljazzjoni jew tipi oħra ta' riskji serji.

(19)

F'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, l-Unjoni għandha tippromwovi l-konformità tal-partijiet kollha għall-kunflitt mal-obbligi legali tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali, b'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-UE. Barra minn hekk, f'pajjiżi fi transizzjoni l-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tappoġġa ambjent xieraq li jippermetti l-iffaċċar ta' atturi politiċi impenjati lejn sistema demokratika pluralistika multipartitika. Dan ir-Regolament għandu jimmira wkoll lejn il-promozzjoni ta' strutturi demokratiċi, id-diviżjoni tal-poter u awtoritajiet pubbliċi responsabbli.

(20)

Il-MOE tal-UE jikkontribwixxu b'mod sinifikanti u b'suċċess għall-proċessi demokratiċi f'pajjiżi terzi. Madankollu, il-promozzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija jestendu ferm lil hinn mill-proċess elettorali waħdu u għaldaqstant għandhom jitqiesu l-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali. In-nefqa għall-MOE tal-UE għalhekk ma għandhiex tieħu ammont sproporzjonat tal-fondi totali disponibbli skont dan ir-Regolament.

(21)

Għandha tiġi ssottolinjata l-importanza tal-istabbiliment tal-kariga tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (RSUE). Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni u l-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u għandu jgħin jiżgura li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet tal-Istati Membri huma involuti b'mod konsistenti, sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni.

(22)

L-Unjoni għandha tfittex li tikseb l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dak għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn dan ir-Regolament, strumenti tal-Unjoni oħra għall-finanzjament tal-azzjoni esterna u politiki oħra tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi wkoll it-tisħiħ reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna.

(23)

L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari ta' informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin fi stadju bikri tal-proċess tal-ipprogrammar sabiex jippromwovu l-komplementarjetà fost l-attivitajiet rispettivi tagħhom. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll donaturi u atturi rilevanti oħra.

(24)

Il-Kummissjoni u is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għandu jkollhom, kif xieraq, skambji regolari u frekwenti ta' fehmiet u informazzjoni mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jingħataw aċċess għal dokumenti sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' skrutinju tagħhom skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) b'mod infurmat. Il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament għandhom iqisu, kif dovut, il-fehmiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(25)

L-Unjoni, inkluż fejn ikun xieraq permezz tad-delegazzjonijiet tagħha, għandha tagħmel skambji regolari ta' informazzjoni u tikkonsulta mas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha, inkluż f'pajjiżi terzi, kmieni kemm jista' jkun fil-proċess ta' programmazzjoni, sabiex jiġu ffaċilitati l-kontribuzzjonijiet rispettivi tas-soċjetà ċivili u biex tiżgura li hija jkollha rwol sinifikanti f'dawk il-proċeduri.

(26)

Sabiex il-kamp ta' appikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi adattat għar-realtà li qed tevolvi malajr fil-pajjiżi terzi, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni rigward l-oqsma speċifikati ta' kooperazzjoni definiti fl-Anness għal dan ir-Regolament. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f'waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(27)

Is-setgħat ta' implimentazzjoni għall-ipprogrammar u l-finanzjament tal-azzjonijiet appoġġati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Minħabba n-natura ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, partikolarment in-natura tal-orjentazzjoni politika tagħhom u l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha fil-prinċipju tintuża għall-adozzjoni tagħhom, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' implimentazzjoni tekniċi ta' skala finanzjarja żgħira.

(28)

Regoli komuni u proċeduri għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 236/2014, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(29)

Dan ir-Regolament jistipula pakkett finanzjarju għall-perijodu ta' applikazzjoni tiegħu li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta' referenza ewlieni, fit-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (8), għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(30)

L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE (9).

(31)

Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem mad-dinja kollha, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(32)

Huwa xieraq li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mingħajr interruzzjoni bejn ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 u dan ir-Regolament u li jiġi allinjat il-perijodu ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (10). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi Strument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR — European Instrument for Democracy and Human Rights) għall-perijodu 2014-2020 skont liema l-Unjoni għandha tipprovdi assistenza għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha.

Tali assistenza tal-Unjoni għandu jkollha l-għan li:

(a)

tappoġġa, tiżviluppa u tikkonsolida d-demokrazija f'pajjiżi terzi, billi ssaħħaħ id-demokrazija parteċipatorja u rappreżentattiva, isaħħaħ iċ-ċiklu demokratiku ġenerali, b'mod partikolari billi jissaħħaħ rwol attiv għas-soċjetà ċivili fi ħdan dan iċ-ċiklu, u l-istat tad-dritt u t-titjib tal-affidabbiltà tal-proċessi elettorali, b'mod partikolari permezz ta' MOE tal-UE;

(b)

jissaħħaħ ir-rispett għal u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali oħrajn, u t-tisħiħ tal-protezzjoni, il-promozzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom, l-aktar permezz ta' appoġġ għall-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u vittmi tar-repressjoni u l-abbuż.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Assistenza tal-Unjoni għandha tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-appoġġ għal u t-titjib, f'konformità mal-approċċ ħolistiku taċ-ċiklu demokratiku, tad-demokrazija parteċipatorja u rappreżentattiva, inkluża d-demokrazija parlamentari, u l-proċessi ta' demokratizzazzjoni, l-aktar permezz ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, nazzjonali u internazzjonali, inter alia, billi:

(i)

il-promozzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' assemblea, taċ-ċaqliq mhux imxekkel tal-persuni, tal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, inklużi l-espressjoni politika, artistika u kulturali, ta' aċċess mhux imxekkel għall-informazzjoni, ta' stampa ħielsa u ta' midja pluralistika indipendenti, kemm dik tradizzjonali kif ukoll dik ibbażata fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni, libertà fuq l-internet u miżuri biex jiġu miġġielda l-ostakli amministrattivi għall-eżerċitar ta' dawn il-libertajiet, inkluża l-ġlieda kontra ċ-ċensura, b'mod partikolari permezz tal-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni rilevanti;

(ii)

fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt, il-promozzjoni tal-indipendenza tal-ġudikatura u l-leġislatura, l-appoġġ u l-evalwazzjoni tar-riformi legali u dawk istituzzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom, u l-promozzjoni tal-aċċess għall-ġustizzja; kif ukoll l-appoġġ għall-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

(iii)

il-promozzjoni u t-tisħiħ tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, tat-tribunali kriminali internazzjonali ad hoc u tal-proċessi tal-ġustizzja transitorja u tal-mekkaniżmi ta' verità u ta' rikonċiljazzjoni;

(iv)

l-appoġġ tat-transizzjoni lejn id-demokrazija u riformi biex jinkisbu l-obbligi ta' rendikont u ta' sorveljanza demokratiċi u domestiċi effettivi u trasparenti, inkluża s-sorveljanza tas-settur tas-sigurtà u tal-ġustizzja, u fit-tisħiħ tal-miżuri kontra l-korruzzjoni;

(v)

il-promozzjoni ta' pluraliżmu politiku u ta' rappreżentanza politika demokratika, u t-tħeġġiġ tal-parteċipazzjoni politika min-nisa u l-irġiel, b'mod partikolari membri ta' gruppi marġinalizzati u dawk vulnerabbli, kemm bħala votanti kif ukoll bħala kandidati, fil-proċessi ta' riforma demokratika fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali;

(vi)

it-tisħiħ tad-demokrazija lokali permezz tal-iżgurar ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, u b'hekk tissaħħaħ ir-rappreżentanza politika fil-livell li hija l-eqreb taċ-ċittadini;

(vii)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika, u l-appoġġ tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u r-rappreżentanza politika tan-nisa, b'mod partikolari l-proċessi ta' transizzjoni politika, id-demokratizzazzjoni u l-bini ta' stat;

(viii)

il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali ta' persuni b'diżabbiltà fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika, inklużi miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tagħhom tal-libertajiet relatati, u l-appoġġ għall-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u r-rappreżentanza politika;

(ix)

l-appoġġ ta' miżuri li jiffaċilitaw il-konċiljazzjoni paċifika bejn sezzjonijiet ta' soċjetajiet, inkluż l-appoġġ għall-miżuri li jibnu l-kunfidenza f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokratizzazzjoni;

(b)

il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fi strumenti reġjonali u internazzjonali oħrajn fil-qasam tad-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, prinċipalment permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li inter alia, huma relatati ma':

(i)

it-tneħħija tal-piena tal-mewt u l-istabbiliment ta' moratorji bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha, u fejn għadha teżisti l-piena tal-mewt, il-promozzjoni għall-abolizzjoni tagħha u l-ħarsien ta' standards minimi internazzjonali;

(ii)

il-prevenzjoni tat-tortura, tat-trattament ħażin u ta' trattamenti jew kastigi krudili, diżumani u degradanti oħrajn, flimkien mal-għajbien sfurzat u r-riabilitazzjoni tal-vittmi ta' tortura;

(iii)

l-appoġġ għal, il-ħarsien ta', u l-assistenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-indirizzar tal-ħtiġijiet urġenti tagħhom għall-protezzjoni, f'konformità mal-Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; dawn l-objettivi, inklużi assistenza fit-tul u aċċess għal rifuġju, jistgħu jitkoprew minn mekkaniżmu tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

(iv)

il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni minħabba kwalunkwe raġuni, inklużi s-sess, ir-razza, il-kulur, il-kasta, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija f'minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

(v)

il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew twemmin, inkluż permezz ta' miżuri biex jeliminaw il-forom kollha ta' mibegħda, intolleranza u diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin u billi titrawwem it-tolleranza u r-rispett tad-diversità kulturali u reliġjuża fi ħdan u fost is-soċjetajiet;

(vi)

id-drittijiet tal-popli indiġeni kif ipproklamat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni, fost oħrajn, billi jenfasizzaw l-importanza tal-involviment tagħhom fl-iżvilupp ta' proġetti li jikkonċernawhom u jiġi pprovdut appoġġ sabiex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni tagħhom ma' mekkaniżmi internazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-istess mekkaniżmi;

(vii)

id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi u lingwistiċi, kif ipproklamat fid-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi;

(viii)

id-drittijiet tal-persuni lesbiċi, gay, bisesswali, trans u intersess (LGBTI), inklużi miżuri għad-dekriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, għall-ġlieda kontra l-vjolenza u l-persekuzzjoni omofobiċi u transfobiċi, u l-promozzjoni tal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni tal-persuni LGBTI;

(ix)

id-drittijiet tan-nisa kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Protokoll Fakultattiv tagħha, inklużi miżuri biex jiġġieldu kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; b'mod partikolari l-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili, iż-żwiġijiet sfurzati u rranġati, id-delitti tal-“unur”, il-vjolenza domestika u sesswali, u t-traffikar tan-nisa u l-bniet;

(x)

id-drittijiet tat-tfal, kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokolli Fakultattivi tagħha, inklużi l-ġlieda kontra t-tħaddim tat-tfal, l-ittraffikar tat-tfal u l-prostituzzjoni tat-tfal, ir-reklutaġġ u l-użu ta' suldati tfal, u l-ħarsien tat-tfal mid-diskriminazzjoni indipendentement mir-razza, il-kulur, is-sess, il-lingwa, ir-reliġjon jew twemmin, il-politika jew opinjoni oħra, l-oriġini nazzjonali, etnika jew soċjali, il-proprjetà, id-diżabbiltà, it-twelid jew status ieħor;

(xi)

id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà, kif imniżżel fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà;

(xii)

id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi id-dritt għal livell ta' għejxien adegwat u għall-istandards fundamentali tax-xogħol;

(xiii)

ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u l-libertà li jitwettaq in-negozju, kif stipulat fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

(xiv)

l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-monitoraġġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija;

(xv)

l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali involuti fil-ħarsien, il-promozzjoni jew id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(xvi)

il-promozzjoni ta' kondizzjonijiet imtejba u l-ħarsien tal-istandards fil-ħabsijiet, b'mod konsistenti mad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali;

(c)

it-tisħiħ tal-qafas internazzjonali għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u l-promozzjoni tal-liġi umanitarja internazzjonali, b'mod partikolari billi:

(i)

ikun ipprovdut appoġġ għal strumenti u korpi internazzjonali u reġjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

(ii)

titrawwem il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali intergovernattivi, u jiġu appoġġati l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, immirati lejn il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali u reġjonali li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u d-demokrazija;

(iii)

taħriġ fi u tixrid ta' informazzjoni dwar id-dritt umanitarju internazzjonali u appoġġ għall-infurzar tagħha;

(d)

il-bini ta' fiduċja fi, u t-tisħiħ ta' affidabbiltà u trasparenza tal-proċessi u l-istituzzjonijiet elettorali demokratiċi, fl-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali, b'mod partikolari.

(i)

permezz tal-użu tal-MOE tal-UE u miżuri oħra għall-monitoraġġ tal-proċessi elettorali;

(ii)

billi jingħata kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' osservazzjoni elettorali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili domestika fil-livelli reġjonali u lokali, u billi jiġu appoġġati l-inizjattivi tagħhom biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni fi, u s-segwitu għal, il-proċess elettorali;

(iii)

billi jiġu appoġġati miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni konsistenti tal-proċessi elettorali fiċ-ċiklu demokratiku, filwaqt li jixxerrdu l-informazzjoni dwar u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE, li b'mod partikolari jaħdmu ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet pubbliċi rilevanti inklużi l-parlamenti u l-gvernijiet, f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(iv)

billi ssir promozzjoni għall-eżitu paċifiku tal-proċessi elettorali, it-tnaqqis tal-vjolenza elettorali u l-aċċettazzjoni tar-riżultati kredibbli mis-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà.

2.   Il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni minħabba kwalunkwe raġuni, l-integrazzjoni tas-sessi, il-parteċipazzjoni, l-għoti tas-setgħa, ir-responsabbiltà, l-attitudni miftuħa u t-trasparenza għandhom jitqiesu kull meta jkunu rilevanti għall-miżuri kollha msemmija f'dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament għandhom jiġu implimentati fit-territorju ta' pajjiżi terzi jew għandhom ikunu relatati b'mod dirett mas-sitwazzjonijiet li jinqalgħu fil-pajjiżi terzi, jew ma' dawk globali jew reġjonali.

4.   Il-miżuri msemmija f'dan ir-Regolament għandhom iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta' kriżi jew sitwazzjonijiet ta' urġenza u pajjiżi jew sitwazzjonijiet fejn hemm nuqqas serju ta' libertajiet fundamentali, fejn is-sigurtà tal-bniedem hija l-aktar fil-periklu jew fejn l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-difensuri joperaw taħt l-aktar kondizzjonijiet diffiċli.

Artikolu 3

Koordinazzjoni, koerenza u komplementarjetà tal-assistenza tal-Unjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni taħt dan ir-Regolament għandha tkun konsistenti mal-qafas ġenerali tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u komplementari għal dik mogħtija minn strumenti jew ftehimiet oħrajn għal assistenza esterna.

2.   Sabiex tittejjeb l-effettività, il-koerenza u l-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, l- Unjoni u l-Istati Membri għandhom ifittxu skambji regolari ta' informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin fi stadju bikri tal-proċess ta' pprogrammar sabiex tingħata promozzjoni lill-komplementarjetà u l-koerenza fost l-attivitajiet rispettivi tagħhom kemm fil-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet kif ukoll fil-prattika. Konsultazzjonijiet bħal dawn jistgħu jwasslu għall-ipprogrammar konġunt u attivitajiet konġunti bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Unjoni għandha tikkonsulta wkoll donaturi u atturi oħrajn.

3.   Il-Kummissjoni u s-SEAE, għandu jkollhom, kif xieraq, skambji regolari ta' fehmiet u ta' informazzjoni mal-Parlament Ewropew.

4.   L-Unjoni għandha tfittex skambji regolari ta' informazzjoni ma', u tikkonsulta mas-soċjetà ċivili, fil-livelli kollha, inkluż fil-pajjiżi terzi. B'mod partikolari l-Unjoni għandha tipprovdi, kull meta jkun possibbli u f'konformità mal-proċeduri, il-gwida teknika u l-appoġġ rilevanti fir-rigward tal-proċedura ta' applikazzjoni.

Artikolu 4

Qafas ġenerali għall-programmazzjoni u l-implimentazzjoni

1.   L-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament għandha tiġi implimentata f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 236/2014 u permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

dokumenti ta' trateġija, kif imsemmij fl-Artikolu 5, u r-reviżjonijiet tagħhom, kif ikun xieraq;

(b)

programmi ta' azzjoni annwali, miżuri individwali u miżuri ta' appoġġ skont l-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

(c)

miżuri speċjali taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014;

2.   Kwalunkwe programmar jew rieżami ta' programmi li jsir wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 236/2014 (ir-“rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu”) għandu jieħu kont tar-riżultati, is-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' dak ir-rapport.

Artikolu 5

Dokumenti ta' strateġija

1.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jistabbilixxu l-istrateġija tal-Unjoni għall-assistenza tagħha skont dan ir-Regolament, bażata fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni, is-sitwazzjoni internazzjonali u l-attivitajiet tal-imsieħba prinċipali. Huma għandhom ikunu konsistenti mal-iskop ġenerali, l-objettivi, il-kamp ta' applikazzjoni u l-prinċipji ta' dan ir-Regolament.

2.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jistabbilixxu l-oqsma ta' prijorità magħżula mill-Unjoni għall-finanzjament matul il-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament, l-objettivi speċifiċi, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandhom jagħtu wkoll l-allokazzjoni finanzjarja indikattiva, kemm ġenerali kif ukoll għal kull qasam ta' prijorità; fejn ikun xieraq, f'forma ta' skala.

3.   Id-dokumenti ta' strateġija għandhom jiġu approvati skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament(UE) Nru 236/2014. Meta bidliet sinifikanti fiċ-ċirkustanzi u l-politika jeħtieġu hekk, id-dokumenti ta' strateġija għandhom ikunu aġġornati f'konformità mal-istess proċedura.

Artikolu 6

Prijoritajiet tematiċi u delega ta' setgħat

L-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi li għandhom jiġu segwiti mill-assistenza tal-Unjoni skont dan ir-Regolament huma elenkati fl-Anness.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati biex temenda l-prijoritajiet tematiċi stabbiliti fl-Anness. B'mod partikolari, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta' analiżi ta' nofs it-terminu, u bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat li jemenda l-Anness sal-31 ta' Marzu 2018.

Artikolu 7

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 6 hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 6 għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għall-perijodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 6 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 6 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sej joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 8

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn Kumitat għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 9

Aċċess għad-dokumenti

Sabiex jiżguraw li jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom ta' skrutinju b'mod informat, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandu jkollhom aċċess għad-dokumenti kollha tal-EIDHR rilevanti għal dan l-eżerċizzju, skont ir-regoli applikabbli.

Artikolu 10

Pakkett finanzjarju

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-perijodu 2014-2020 għandu jkun ta' EUR 1 332 752 000.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 11

Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Dan ir-Regolament għandu japplika skont id-Deċiżjoni 2010/427/UE.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta' Marzu 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 11,15.12013, p. 81.

(2)  ĠU C 391, 18.12.2012, p. 110.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014.

(4)  Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta' strument ta' finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament Nru 236/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna (ara l-paġna 95 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)

(8)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30).

(10)  Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


ANNESS

L-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tal-EIDHR

L-orjentazzjoni strateġika tal-Unjoni li jitwettaq l-iskop tal-EIDHR hija bbażata fuq ħames objettivi deskritti f'dan l-Anness.

1.

Objettiv 1 — Appoġġ għad-drittijiet tal-dniedem u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'sitwazzjonijiet fejn huma l-aktar f'riskju.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jipprovdu appoġġ effettiv għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) li huma l-aktar f'riskju u għal sitwazzjonijiet fejn il-libertajiet fundamentali huma l-aktar fil-periklu. L-EIDHR ser, fost l-oħrajn, jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-ħtiġijiet urġenti tad-DDB; ser jipprovdi wkoll appoġġ għall-perijodu medju u fit-tul li ser jippermetti lid-DDB u s-soċjetà ċivili li iwettqu l-ħidma tagħhom. L-azzjonijiet għandhom iqisu x-xejra inkwetanti attwali tal-ispazju li qed jonqos għas-soċjetà ċivili.

2.

Objettiv 2 — Appoġġ għal prijoritajiet oħrajn tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jiffokaw fuq l-għoti ta' appoġġ lill-attivitajiet fejn l-Unjoni għandha valur miżjud jew impenn tematiku speċifiku (eż. linji gwida attwali u futuri tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem adottati mill-Kunsill jew riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew), f'konformità mal-Artikolu 2. L-azzjonijiet ser ikunu konsistenti mal-prijoritajiet stabbiliti fil-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser, fost oħrajn, jappoġġaw lid-dinjità tal-bniedem (b'mod partikolari l-ġlieda kontra l-piena tal-mewt u kontra t-tortura u kastigi jew trattamenti oħrajn krudili, inumani jew degradanti); id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; il-ġlieda kontra l-impunità; il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha; id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi. Ser tingħata attenzjoni wkoll lill-kwistjonijiet emerġenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

3.

Objettiv 3 — Appoġġ għad-demokrazija

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jappoġġaw atturi paċifiċi favur id-demokrazija f'pajjiżi terzi bil-ħsieb li jsaħħu d-demokrazija parteċipattiva u rappreżentattiva, it-trasparenza u r-responsabbiltà. L-azzjonijiet ser jiffokaw fuq il-konsolidazzjoni tal-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza politika, kif ukoll il-promozzjoni favur id-demokrazija.

L-aspetti kollha tad-demokratizzazzjoni ser jiġu indirizzati, inklużi l-istat tad-dritt u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u politiċi bħal-libertà tal-espressjoni online u offline, il-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni. Dan jinkludi parteċipazzjoni attiva fid-dibattitu metodoloġiku li qed jevolvi fil-qasam tal-appoġġ għad-demokrazija.

Fejn applikabbli, l-azzjonijiet ser iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-MOE tal-UE.

4.

Objettiv 4 — MOE tal-UE

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jiffokaw fuq osservazzjoni elettorali li tikkontribwixxi biex jiżdiedu t-trasparenza u l-fiduċja fil-proċess elettorali bħala parti mill-promozzjoni ta', u l-appoġġ ta'. -proċessi demokratiċi kif deskritt fl-objettiv 3.

Il-MOE tal-UE fuq skala sħiħa huma ġeneralment rikonoxxuti bħala proġetti ewlenin tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jibqgħu l-forma prinċipali ta' azzjoni taħt dan l-objettiv.

Huma jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdu kemm stima informata ta' proċessi elettorali u rakkomandazzjonijiet għat-titjib ulterjuri tagħhom fil-kuntest tal-kooperazzjoni tal-Unjoni u d-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi. B'mod partikolari, l-approċċ li jinkludi l-istadji kollha taċ-ċiklu elettorali, inklużi l-attivitajiet ta' segwitu, ser jiġi żviluppat aktar ma' azzjonijiet komplementari bejn l-ipprogrammar bilaterali u l-proġetti tal-EIDHR.

5.

Objettiv 5 — Appoġġ lill-atturi u l-proċessi ewlenin fil-mira, inklużi l-istrumenti u l-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem.

L-għan ġenerali huwa li jissaħħu l-oqfsa internazzjonali u reġjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja, u l-istat tad-dritt u d-demokrazija skont il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

L-azzjonijiet taħt dan l-objettiv ser jinkludu attivitajiet għall-appoġġ tal-kontribut tas-soċjetà ċivili lokali għad-djalogi tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE (f'konformità mal-linji gwida rilevanti tal-UE) u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrumenti u l-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali. Il-promozzjoni u l-monitoraġġ ta' dawk il-mekkaniżmi mis-soċjetà ċivili ser jingħataw attenzjoni speċjali.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar id-djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew (1)

Fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tat-TUE, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew qabel l-ipprogrammar tar-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja u wara konsultazzjoni inizjali tal-benefiċjarji rilevanti tiegħu, fejn xieraq. Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar b'allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull pajjiż/reġjun, u, f'pajjiż/reġjun, il-prijoritajiet, ir-riżultati possibbli u l-allokazzjonijiet indikattivi previsti għal kull prijorità għall-programmi ġeografiċi, kif ukoll l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*). Il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta lill-Parlament Ewropew id-dokumenti rilevanti disponibbli dwar l-ipprogrammar bi prijoritajiet tematiċi, riżultati possibbli, l-għażla ta' modalitajiet ta' assistenza (*), u l-allokazzjonijiet finanzjarji għal tali prijoritajiet previsti fil-programmi tematiċi. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis il-pożizzjoni espressa mill-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea se twettaq djalogu strateġiku mal-Parlament Ewropew fit-tħejjija tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu u qabel kwalunkwe reviżjoni sostanzjali tad-dokumenti ta' programmar matul il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi mistiedna mill-Parlament Ewropew, se tispjega fejn l-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew tqiesu fid-dokumenti ta' programmar u kull segwitu għad-djalogu strateġiku.


(1)  Il-Kummissjoni Ewropea se tkun irrappreżentata fil-livell tal-Kummissarju responsabbli

(*)  Fejn huwa applikabbli.


Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar il-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jenfasizzaw il-kontribuzzjoni importanti tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE tal-UE) għad-demokrazija li tappoġġja l-politika tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni f'pajjiżi sħab. Il-MOE tal-UE jikkontribwixxu biex tiżdied it-trasparenza u l-kunfidenza fil-proċessi elettorali, u jipprovdu valutazzjoni informata tal-elezzjonijiet kif ukoll rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib tagħhom, fil-kuntest ta' kooperazzjoni u djalogu politiku tal-Unjoni ma' pajjiżi sħab. F'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea jaqblu li sa 25 % tal-baġit matul il-perjodu 2014-2020 tar-Regolament tal-UE Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument finanzjarju għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja għandhom ikunu ddedikati għall-finanzjament ta' MOE tal-UE, skont il-prijoritajiet elettorali annwali.


15.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 77/95


REGOLAMENT (UE) Nru 236/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Marzu 2014

li jistabbilixxi regoli u proċeduri komuni għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni għall-finanzjament tal-azzjoni esterna

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 209(1) u 212(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea għandha tadotta sett komprensiv ta' strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna li jkopru firxa ta' politiki relatati ma' tali azzjoni, li jeħtieġu regoli u proċeduri komuni speċifiċi għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawk l-istrumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna huma: l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-perjodu 2014-2020 (EIDHR), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 235/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II), kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 234/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) (minn hawn 'il quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”).

(2)

Ir-regoli u proċeduri komuni ta' għandhom ikunu konsistenti mar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u jinkludu r-regoli korrispondenti adottati mill-Kummissjoni (10) għall-implimentazzjoni ta' dak ir-Regolament.

(3)

B'mod ġenerali, l-Istrumenti jipprevedu li l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati fuq il-bażi tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta' programmazzjoni pluriennali indikattiva, li tipprovdi l-qafas li fih għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet ta' finanzjament f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(4)

Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jieħdu l-forma ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali u miżuri individwali meta jsegwu l-ippjanar previst mill-programmazzjoni indikattiva pluriennali, ta' miżuri speċjali fejn meħtieġa minn ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament iġġustifikati, u ta' miżuri ta' appoġġ. Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu adottati jew bħala parti mill-programm ta' azzjoni annwali jew pluriennali jew barra mill-ambitu tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva.

(5)

Id-deċiżjonijiet ta' finanzjament għandhom jinkludu f'anness deskrizzjoni ta' kull azzjoni, li tispeċifika l-għanijiet, l-attivitajiet prinċipali, ir-riżultati mistennija, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u l-iskeda ta' żmien indikattiva tagħha, kwalunkwe miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni, u għandhom ikunu approvati f'konformità mal-proċeduri previsti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(6)

B'kont meħud tal-programmazzjoni ta' politika jew in-natura tal-eżekuzzjoni finanzjarja ta' dawk l-atti ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari l-implikazzjonijiet baġitarji tagħhom, il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni ta' miżuri individwali u speċjali taħt limiti predefiniti. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f'każijiet debitament iġġustifikati li huma relatati mal-ħtieġa għal rispons rapidu mill-Unjoni, dan ikun meħtieġ għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi debitament infurmat b'dan, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(7)

Għall-implimentazzjoni tal-strumenti, meta l-immaniġġjar tal-operazzjoni jiġi fdat lil intermedjarju finanzjarju, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkopri b'mod partikulari proviżjonijiet li jikkonċernaw it-trasparenza tal-qsim ta' riskji, ir-remunerazzjoni tal-intermedjarju responsabbli għall-implimentazzjoni, l-użu u l-użu mill-ġdid tal-fondi u tal-profitti possibbli, u l-obbligi ta' rappurtar u l-mekkaniżmi ta' kontroll, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

(8)

L-Unjoni għandha tfittex l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex tottimizza l-impatt tal-azzjoni esterna tagħha. Dan għandu jinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-Istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, kif ukoll il-ħolqien ta' sinerġiji bejn l-Istrumenti u politiki oħrajn tal-Unjoni. Dan għandu jinvolvi aktar ir-rinfurzar reċiproku tal-programmi ppjanati taħt l-Istrumenti, u, fejn ikun adatt, l-użu ta l-istrumenti finanzjarji li għandhom effett ta' lieva.

(9)

Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha stess, u li hija taħdem biex tippromwovi fil-bqija tad-dinja, jiġifieri d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipju tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali.

(10)

F'konformità mal-impenji tal-Unjoni fit-3 u r-4 Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (Accra 2008 u Busan 2011), u r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Assistenza fl-Iżvilupp tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD-DAC”) dwar il-ħall mill-irbit tal-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) għall-Pajjiżi l-inqas żviluppati u l-Pajjiżi Fqar b'Ħafna Dejn, il-Kummissjoni għandha tħoll mill-irbit l-assistenza tal-Unjoni sal-massimu possibbli, inklużi l-mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi, u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-entitajiet minn pajjiżi sħab fil-proċeduri tal-għoti ta' kuntratti.

(11)

Bil-għan li tiġi garantita l-viżibbiltà lejn iċ-ċittadini tal-pajjiżi benefiċjarji u ċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-assistenza tal-Unjoni għandu jkun hemm, fejn ikun adatt, komunikazzjoni u informazzjoni mmirati b'mezzi adegwati.

(12)

L-azzjoni esterna tal-Unjoni taħt l-Istrumenti għandha tikkontribwixxi għal riżultati ċari (li jkopru l-outputs, l-eżiti u l-impatti) f'pajjiżi li jibbenefikaw mill-assistenza finanzjarja esterna tal-Unjoni. Kull fejn ikun possibbli u adatt, ir-riżultati tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u l-effiċjenza ta' Strument partikolari għandhom jiġu mmonitorjati u vvalutati abbażi ta' indikaturi predefiniti, ċari, trasparenti u, fejn adatt, speċifiċi għall-pajjiż u li jistgħu jitkejlu, adattati għall-ispeċifiċitajiet u l-għanijiet tal-Istrument ikkonċernat.

(13)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jiġu protetti permezz ta' miżuri proporzjonati matul iċ-ċiklu tan-nefqa, inklużi l-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta' irregolaritajiet, l-irkupru ta' fondi li jkunu ntilfu, imħallsa bi żball jew użati b'mod mhux korrett u, meta jkun xieraq, penali. Dawk il-miżuri għandhom jitwettqu f'konformità mal-ftehimiet applikabbli konklużi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.

(14)

Għandhom jiġu previsti metodi ta' finanzjament, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, regoli dwar iċ-ċittadinanza u l-oriġini, l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet, ir-rappurtar u r-rieżami u l-evalwazzjoni tal-Istrumenti.

(15)

Mingħajr preġudizzju għall-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni żviluppati mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli kollha f'konformità mal-Artikolu 11 TUE, il-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, għandhom rwol prominenti x'jiżvolġu fir-rigward tal-politika esterna tal-Unjoni. Matul il-proċess ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari t-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament, huwa importanti li dawn jiġu debitament ikkonsultati sabiex jiġi żgurat li jiżvolġu rwol sinifikattiv f'dan il-proċess u biex ikunu kkunsidrati debitament l-ispeċifiċitajiet tagħhom.

(16)

F'konformità mal-Artikolu 208, l-Artikolu 209(3) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u taħt it-termini stipulati fl-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u fid-Deċiżjoni Nru 1080/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), il-BEI jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-iżvilupp tal-Unjoni u politiki esterni oħra, u jintervjeni f'komplementarjetà mal-istrumenti tal-Unjoni għall-azzjoni esterna. Għandhom jinstabu opportunitajiet biex jiġi kkombinat il-finanzjament tal-BEI mar-riżorsi baġitarji tal-Unjoni. Il-BEI huwa kkonsultat fil-proċess ta' programmazzjoni tal-Unjoni fejn ikun adatt.

(17)

Organizzazzjonijiet internazzjonali u aġenziji ta' żvilupp jaħdmu b'mod regolari ma' organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ bħala sħab ta' implimentazzjoni u jista' jkollhom jafdawlhom kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit f'każijiet debitament ġustifikati. B'deroga mill-punt (c) tal-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet f'dan ir-Regolament biex dawn il-kompiti jiġu fdati lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

(18)

Sabiex tissaħħaħ is-sjieda tal-pajjiżi sħab fir-rigward tal-proċessi ta' żvilupp tagħhom u s-sostenibbiltà tal-għajnuna esterna, u f'konformità mal-impenji internazzjonali dwar l-effettività tal-għajnuna l-Unjoni u pajjiżi sħab daħlu għalihom, l-Unjoni għandha tippromwovi, fejn adatt fid-dawl tan-natura tal-azzjoni kkonċernata, l-użu tal-istituzzjonijiet, is-sistemi u l-proċeduri proprji tal-pajjiżi sħab.

(19)

F'konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp, u l-aġenda internazzjonali dwar l-effikaċja tal-għajnuna, u kif issottolinjat mir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-futur tal-appoġġ baġitarju tal-UE lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2011“Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “L-Approċċ Futur għall-Appoġġ Baġitarju tal-UE għal Pajjiżi Terzi” tal-14 ta' Mejju 2012, l-appoġġ baġitarju għandu jintuża b'mod effettiv biex jappoġġa t-tnaqqis tal-faqar u l-użu tas-sistemi tal-pajjiżi, jagħmel l-għajnuna aktar prevedibbli u jsaħħaħ l-appartenenza għall-pajjiżi sħab tal-politiki u r-riformi għall-iżvilupp. Il-ħlas ta' porzjonijiet previsti tal-baġit għandu jkun jiddependi mill-progress li jkun sar lejn l-objettivi miftiehma ma' pajjiżi sħab. Fil-pajjiżi li jibbenifikaw minn dak it-tip ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni, l-Unjoni għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kontroll parlamentari, kapaċitajiet tal-awditjar, trasparenza u aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni.

(20)

L-azzjoni tal-Unjoni bil-għan li tippromwovi l-prinċipji tad-demokrazija u ssaħħaħ id-demokratizzazzjoni tista' tiġi implimentata, fost l-oħrajn, permezz ta' appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet indipendenti attivi f'dan il-qasam, bħall-Fond Ewropew għad-Demokrazija.

(21)

Billi l-objettivi ta' dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni, jistgħu pjuttost jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(22)

Huwa xieraq li l-perijodu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament jiġi allinjat ma' dak tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (13). Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 1

Suġġett u prinċipji

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-kondizzjonijiet għall-għoti mill-Unjoni ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal azzjonijiet, inklużi programmi ta' azzjoni u miżuri oħrajn taħt is-segwenti strumenti għall-finanzjament tal-azzjoni esterna: l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), l-Istrument Ewropew tal-Viċinat (ENI), l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi (minn issa 'l quddiem imsejħa kollettivament bħala “l-Istrumenti” u individwalment bħala “l-Istrument”).

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, it-terminu “pajjiżi” jinkludi territorji u reġjuni, skont il-każ.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-implimentazzjoni ta' azzjonijiet li jiffinanzjaw il-programm Erasmus+ taħt ir-Regolament (UE) Nru 233/2014, ir-Regolament (UE) Nru 232/2014, ir-Regolament (UE) Nru 231/2014 u r-Regolament (UE) Nru 234/2014 Dawk l-azzjonijiet għandhom jiġu implimentati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument applikabbli, waqt li tiġi żgurata l-konformità ma' dawk ir-Regolamenti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-azzjonijiet jiġu implimentati skont l-għanijiet tal-Istrument applikabbli, u f'konformità ma' protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni pprovduta fuq il-bażi tal-Istrumenti għandha tkun konsistenti mar-regoli u l-proċeduri stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li jipprovdi l-qafas bażiku finanzjarju u legali għall-implimentazzjoni tagħhom.

4.   Meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tuża l-metodi ta' implimentazzjoni l-aktar effettivi u effiċjenti. Fejn ikun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi wkoll l-użu tal-proċeduri l-aktar sempliċi.

5.   B'kont meħud tal-paragrafu 4, meta tapplika dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiffavorixxi l-użu ta' sistemi tal-pajjiżi sħab meta jkun possibbli u xieraq fid-dawl tan-natura tal-azzjoni.

6.   L-Unjoni għandha tfittex li tippromwovi, tiżviluppa u tikkonsolida l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija mibnija, fuq il-bażi, fejn adatt, ta' djalogu u kooperazzjoni ma' pajjiżi u reġjuni sħab. L-Unjoni għandha tintegra dawk il-prinċipji fl-implimentazzjoni tal-Istrumenti.

Artikolu 2

Adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali

1.   Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta' azzjoni annwali, abbażi tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva msemmija fl-Istrument rilevanti, fejn ikun applikabbli. Il-Kummissjoni tista' wkoll tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali skont l-Artikolu 6(3).

Il-programmi ta' azzjoni għandhom jispeċifikaw, għal kull azzjoni, l-għanijiet segwiti, ir-riżultati mistennija u l-attivitajiet prinċipali, il-metodi ta' implimentazzjoni, il-baġit u skeda ta' żmien indikattiva, kwalunke miżura ta' appoġġ assoċjata u l-arranġamenti ta' monitoraġġ tal-prestazzjoni.

Fejn meħtieġ, tista' tiġi adottata azzjoni bħala miżura individwali qabel jew wara l-adozzjoni ta' programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali.

Fil-każ ta' ħtiġijiet jew ċirkostanzi mhux previsti u debitament ġustifikati, u meta l-finanzjament minn sorsi aktar adatti ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri speċjali mhux previsti fid-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva, inkluż miżuri biex tiġi ffaċilitata t-transizzjoni minn għajnuna ta' emerġenza għal operazzjonijiet jew miżuri ta' żvilupp fuq perijodu twil biex in-nies ikunu preparati aħjar biex jittrattaw kriżijiet rikorrenti.

2.   Il-programmi ta' azzjoni, u miżuri individwali u speċjali previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

3.   Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tkun meħtieġa għal:

(a)

miżuri individwali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx il-EUR 5 miljun;

(b)

miżuri speċjali li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx l-EUR 10 miljun;

(c)

emendi tekniċi għal programmi ta' azzjoni, miżuri individwali u miżuri speċjali. Emendi tekniċi huma aġġustamenti, bħal:

(i)

estensjonijiet tal-perijodu tal-implimentazzjoni;

(ii)

assenjazzjonijiet mill-ġdid tal-fondi bejn l-azzjonijiet li jinsabu fi programm ta' azzjoni annwali jew pluriennali; jew

(iii)

iż-żiediet jew it-tnaqqis tal-baġit tal-programmi ta' azzjoni annwali jew pluriennali,, jew tal-miżuri individwali jew speċjali, b'mhux iktar minn 20 % tal-baġit inizjali u li ma jaqbiżx EUR 10 miljun,

sakemm tali emendi ma jaffettwawx sostanzjalment l-objettivi tal-miżura.

Il-miżuri adottati skont dan il-paragrafu għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar mill-adozzjoni tagħhom.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 relatati mal-programmi ta' azzjoni u l-miżuri individwali ma għandhomx japplikaw għall-kooperazzjoni transkonfinali tal-ENI.

5.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament iġġustifikati, bħal kriżijiet jew theddid immedjat għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri individwali jew speċjali jew emendi għal programmi ta' azzjoni u miżuri eżistenti, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(4).

6.   Għandu jsir skrutinju ambjentali xieraq, fuq il-livell tal-proġetti, inkluż għall-impatti fuq it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità, f'konformità mal-atti leġislattivi applikabbli tal-Unjoni, inklużi d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) u d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE (16), li jinkludi, fejn applikabbli, valutazzjoni tal-impatt ambjentali (EIA) għal proġetti ta' sensittività ambjentali, b'mod partikolari għal infrastruttura ġdida maġġuri. Fejn ikun rilevanti, fl-implimentazzjoni ta' programmi settorjali għandhom jintużaw valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi. Għandhom jiġu żgurati l-involviment tal-partijiet interessati fil-valutazzjonijiet ambjentali u l-aċċess pubbliku għar-riżultati ta' tali valutazzjonijiet.

7.   Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti, il-kriterji rigward l-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltajiet għandhom jiġu debitament ikkunsidrati.

Artikolu 3

Miżuri ta' appoġġ

1.   Il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri l-infiq għall-implimentazzjoni tal-Istrumenti u għall-kisba tal-għanijiet tagħhom, inkluż l-appoġġ amministrattiv assoċjat mal-attivitajiet ta' tħejjija, segwitu, monitoraġġ, awditjar u evalwazzjoni direttament meħtieġa għal tali implimentazzjoni, kif ukoll infiq fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fuq l-appoġġ amministrattiv meħtieġ għall-ġestjoni tal-operazzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti.

2.   Dment li l-attivitajiet elenkati fil-punti (a), (b) u (c) ikunu relatati mal-għanijiet ġenerali tal-Istrument applikabbli implimentat permezz ta' azzjonijiet, il-finanzjament mill-Unjoni jista' jkopri:

(a)

studji, laqgħat, informazzjoni, ħolqien ta' kuxjenza, taħriġ, tħejjija u skambju tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki, attivitajiet ta' pubblikazzjoni u kwalunkwe assistenza amministrattiva jew teknika oħra dwar l-infiq meħtieġa għall-ġestjoni ta' azzjonijiet;

(b)

attivitajiet ta' riċerka u studji dwar kwistjonijiet rilevanti u d-disseminazzjoni tagħhom;

(c)

infiq relatat mal-provvista ta' azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' strateġiji ta' komunikazzjoni u l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni.

3.   Il-miżuri ta' appoġġ jistgħu jiġu ffinanzjati barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dokumenti ta' programmazzjoni indikattiva. Fejn ikun applikabbli, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta' appoġġ skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 16(3).

Il-proċedura ta' eżami ma għandhiex tapplika għall-adozzjoni ta' miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun.

Il-miżuri ta' appoġġ li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għalihom ma taqbiżx EUR 10 miljun għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri permezz tal-kumitat rilevanti msemmi fl-Artikolu 16 fi żmien xahar minn meta jiġu adottati.

TITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-METODI TA' FINANZJAMENT

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet ġenerali ta' finanzjament

1.   L-assistenza finanzjarja mill-Unjoni tista' tiġi pprovduta permezz tat-tipi ta' finanzjament previsti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b'mod partikolari:

(a)

għotjiet ta' flus;

(b)

kuntratti ta' akkwist għal servizzi, provvisti jew xogħlijiet;

(c)

appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali;

(d)

kontribuzzjonijiet għal fondi fiduċjarji tal-Unjoni stabbiliti mill-Kummissjoni, f'konformità mal-Artikolu 187 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012;

(e)

strumenti finanzjarji bħal self, garanziji, ekwità jew kważi-ekwità, investimenti jew parteċipazzjonijiet, u strumenti ta' kondiviżjoni tar-riskju, kull fejn ikun possibbli taħt il-ġestjoni tal-BEI f'konformità mal-mandat estern tiegħu taħt id-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE, istituzzjoni finanzjarja Ewropea multilaterali, bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, jew istituzzjoni finanzjarja Ewropea bilaterali, eż. banek bilaterali tal-iżvilupp, possibbilment flimkien ma' għotjiet ta' flus addizzjonali minn sorsi oħrajn.

2.   L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali tal-Unjoni kif imsemmi fil-punt (c) tal- paragrafu 1 huwa bbażat fuq responsabbiltà reċiproka u impenji kondiviżi rigward valuri universali, u għandu l-għan li jsaħħaħ is-sħubiji kuntrattwali bejn l-Unjoni u pajjiżi sħab biex b'hekk jiġu promossi d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, jiġi appoġġat it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u jinqered il-faqar.

Kwalunkwe deċiżjoni biex jingħata appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandha tiġi bbażata fuq politiki ta' appoġġ baġitarju maqbula mill-Unjoni, sett ċar ta' kriterji ta' eliġibbiltà u valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji.

Wieħed mill-fatturi determinanti prinċipali ta' dik id-deċiżjoni għandu jkun valutazzjoni tal-impenn, ir-rekord u l-progress tal-pajjiżi sħab fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. L-appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jiġi differenzjat b'mod tali li jwieġeb aħjar għall-kuntest politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż sieħeb, b'kont meħud tas-sitwazzjonijiet ta' fraġilità.

Fl-għoti ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali f'konformità mal-Artikolu 186 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-Kummissjoni għandha tiddefinixxi b'mod ċar u timmonitorja l-kondizzjonalità tagħha, u għandha tappoġġa l-iżvilupp ta' kapaċitajiet parlamentari ta' kontroll u awditjar u aktar trasparenza u aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Il-ħlas ta' appoġġ baġitarju ġenerali jew settorjali għandu jkun suġġett għall-kondizzjoni li jsir progress sodisfaċenti lejn il-kisba tal-objettivi miftiehma mal-pajjiż sieħeb.

3.   Kwalunkwe entità fdata bl-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kif imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 għandha tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012u tikkonforma mal-għanijiet, l-istandards u l-politiki tal-Unjoni, kif ukoll l-aħjar prattiki rigward l-użu u r-rappurtar rigward fondi tal-Unjoni.

L-istrumenti finanzjarji kif msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 jistgħu jinġabru f'faċilitajiet għall-għanijiet tal-implimentazzjoni u r-rappurtar.

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tista' tingħata wkoll, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, permezz ta' kontribuzzjonijiet lil fondi internazzjonali, reġjonali jew nazzjonali, bħal dawk stabbiliti jew ġestiti mill-BEI, minn Stati Membri, minn pajjiżi u reġjuni sħab jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-għan li jiġi attirat finanzjament konġunt minn għadd ta' donaturi, jew lil fondi stabbiliti minn donatur wieħed jew aktar għall-fini tal-implimentazzjoni konġunta tal-proġetti.

4.   L-aċċess reċiproku mill-istituzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni għall-istrumenti finanzjarji stabbiliti minn organizzazzjonijiet oħrajn għandu jiġi promoss, kif ikun adatt.

5.   Fl-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Dawn għandhom jinkludu miżuri li jimponu rekwiżiti ta' viżibbiltà fuq reċipjenti ta' fondi tal-Unjoni, minbarra f'każijiet debitament iġġustifikati. Il-Kummissjoni għandu tkun responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti.

6.   Id-dħul kollu ġġenerat minn strument finanzjarju għandu jiġi assenjat lill-Istrument korrispondenti bħala dħul assenjat intern. Kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha teżamina l-kontribut li jkun sar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni, kif ukoll l-effikaċja, tal-istrumenti finanzjarji eżistenti.

7.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni, kif previst mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, direttament mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mill-aġenziji eżekuttivi, permezz ta' ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew indirettament billi jiġu fdati kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lill-entitajiet elenkati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Dawk l-entitajiet għandhom jiżguraw konsistenza mal-politika esterna tal-Unjoni u jistgħu jafdaw kompiti ta' implimentazzjoni tal-baġit lil entitajiet oħrajn b'kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

Huma għandhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom kull sena skont l-Artikolu 60(5) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. L-opinjoni tal-awditjar, fejn meħtieġ, għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mir-rapport u d-dikjarazzjoni ta' ġestjoni, li għandhom jiġu kkunsidrati fl-assigurazzjoni tal-Kummissjoni.

L-organizzazzjonijiet internazzjonali kif imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 58(1)tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u l-korpi tal-Istati Membri kif imsemmija fil-punti (c)(v) u (vi) tal-Artikolu 58(1) ta' dak ir-Regolament li jkunu ġew fdati mill-Kummissjoni jistgħu jafdaw ukoll kompiti ta' implimentazzjoni ta' baġit lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li għandhom kapaċità operazzjonali u finanzjarja adatta, taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li japplikaw għall-Kummissjoni.

L-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 60 (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 139 ta' dak ir-Regolament.

8.   It-tipi ta' finanzjament imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fl-Artikolu 6(1), u l-metodi ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għandhom jintgħażlu abbażi tal- kapaċità tagħhom li jiksbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet li jagħtu riżultati, b'kont meħud, b'mod partikolari, tal-ispejjeż tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju mistenni ta' nuqqas ta' konformità. Għall-għotjiet ta' flus, dan għandu jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' spejjeż unitarji.

9.   L-azzjonijiet iffinanzjati taħt l-Istrumenti jistgħu jiġu implimentati per mezz ta' kofinanzjament parallel jew konġunt.

Fil-każ ta' kofinanzjament parallel, azzjoni tinqasam f'numru ta' komponenti identifikabbli b'mod ċar li kull wieħed minnhom huwa ffinanzjat minn sħab differenti li jipprovdu kofinanzjament b'tali mod li l-użu aħħari tal-finanzjament jista' dejjem jiġi identifikat.

Fil-każ ta' kofinanzjament konġunt, l-ispiża totali ta' azzjoni hija maqsuma bejn is-sħab li jipprovdu l-kofinanzjament u r-riżorsi jinġabru flimkien b'tali mod li ma jibqax possibbli li s-sors ta' finanzjament jiġi identifikat għal kwalunkwe attività partikolari mwettqa bħala parti mill-azzjoni. F'tali każ, il-pubblikazzjoni ex-post ta' kuntratti tal-għotjiet u tal-akkwist kif previst fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tikkonforma mar-regoli, fejn applikabbli, li jirregolawl-entità inkarigata.

10.   Meta jintuża tip ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 6(1), il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u sħabha tista' tieħu l-forma, fost l-oħrajn, ta':

(a)

arranġamenti triangolari li permezz tagħhom l-Unjoni tikkoordina ma' kwalunkwe pajjiżi terzi l-assistenza tagħha lil pajjiż jew reġjun sieħeb;

(b)

miżuri ta' kooperazzjoni amministrattivi bħal ġemellaġġ bejn istituzzjonijiet pubbliċi, awtoritajiet lokali, korpi pubbliċi nazzjonali jew entitajiet tad-dritt privat responsabbli għal kompiti ta' servizz pubbliku ta' Stat Membru u dawk ta' pajjiż jew reġjun sieħeb, kif ukoll miżuri ta' kooperazzjoni li jinvolvu esperti tas-settur pubbliku mibgħuta mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom;

(c)

kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż neċessarji biex tiġi stabbilita u amministrata sħubija pubblika-privata;

(d)

programmi ta' appoġġ għall-politika tas-settur li permezz tagħhom l-Unjoni tipprovdi appoġġ għall-programm tas-settur ta' pajjiż sieħeb;

(e)

fil-każ tal-ENI u l-IPA II, il-kontribuzzjonijiet għall-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi fil-programmi u l-aġenziji tal-Unjoni;

(f)

sussidji fuq ir-rati tal-imgħax;

(g)

finanzjament permezz ta' għotjiet ta' flus lill-aġenziji tal-Unjoni.

11.   Fil-ħidma mal-partijiet interessati tal-pajjiżi benefiċjarji, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tagħhom, inklużi l-ħtiġijiet u l-kuntest, fid-definizzjoni tal-modalitajiet ta' finanzjament, it-tip ta' kontribuzzjoni, il-modalitajiet tal-għotja u d-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-ġestjoni tal-għotjiet ta' flus, bil-ħsieb li jinkiseb u li jingħata l-aħjar rispons għall-firxa l-aktar wiesgħa possibbli ta' tali partijiet interessati. Għandhom jiġu inkoraġġuti modalitajiet speċifiċi f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, bħall-ftehimiet ta' sħubija, l-awtorizzazzjonijiet ta' għotjiet indiretti, għoti dirett jew appelli b'eliġibbiltà ristretta għal proposti jew ammonti f'daqqa.

12.   Biex timplimenta l-appoġġ tagħha għat-transizzjoni u r-riforma fil-pajjiżi sħab, l-Unjoni għandha, fejn adatt, tibbaża fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri u l-lezzjonijiet meħuda u tikkondividihom.

Artikolu 5

Taxxi, dazji u imposti

L-assistenza mill-Unjoni m'għandhiex tiġġenera jew tattiva l-ġbir ta' taxxi, dazji jew imposti speċifiċi.

Fejn ikun applikabbli, għandhom jiġu nnegozjati dispożizzjonijiet adatti ma' pajjiżi terzi sabiex l-azzjonijiet li jimplimentaw l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni jiġu eżentati minn taxxi, dazji doganali u imposti fiskali oħrajn. Inkella, dawn it-taxxi, id-dazji u l-imposti għandhom ikunu eliġibbli taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċifiċi ta' finanzjament

1.   Minbarra t-tipi ta' finanzjament imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni taħt l-istrumenti li ġejjin tista' tingħata f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 wkoll permezz tat-tipi ta' finanzjament li ġejjin:

(a)

taħt id-DCI u taħt l-ENI, ħelsien mid-dejn, fil-kuntest ta' programmi miftiehma internazzjonalment ta' ħelsien mid-dejn;

(b)

taħt id-DCI u taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, f'każijiet eċċezzjonali, programmi settorjali u ġenerali ta' importazzjoni, li jistgħu jieħdu l-forma ta':

(i)

programmi settorjali ta' importazzjoni f'oġġetti;

(ii)

programmi settorjali ta' importazzjoni li jipprovdu skambju ta' flus barranin għall-finanzjament ta' importazzjonijiet għas-settur inkwistjoni; jew

(iii)

programmi ġenerali ta' importazzjoni li jipprovdu skambju ta' flus barranin għall-finanzjament ta' importazzjonijiet ġenerali ta' firxa wiesgħa ta' prodotti;

(c)

taħt l-EIDHR, għoti dirett ta':

(i)

għotjiet ta' valur baxx lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-finanzjament ta' azzjonijiet ta' protezzjoni urġenti, fejn adatt mingħajr il-ħtieġa għal kofinanzjament;

(ii)

għotjiet, fejn adatt mingħajr il-ħtieġa għal kofinanzjament, għall-finanzjament ta' azzjonijiet fl-aktar kundizzjonijiet jew f'sitwazzjonijiet diffiċli msemmija fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 235/2014 fejn il-pubblikazzjoni ta' sejħa għal proposti ma tkunx xierqa. Għotjiet bħal dawn m'għandhomx jaqbżu l-EUR 1 000 000 u għandu jkollhom tul ta' żmien ta' mhux aktar minn 18-il xahar, li jista' jiġi estiż bi 12-il xahar ieħor fl-eventwalità ta' ostakli oġġettivi u mhux previsti għall-implimentazzjoni tagħhom;

(iii)

għotjiet lil-l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll liċ-Ċentru Interuniversitarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokratizzazzjoni, li jipprovdi Lawrja Ewropea ta' Masters fid-Drittijiet tal-Bniedem u fid-Demokratizzazzjoni u l-Programm ta' Boroż ta' Studju UE-NU, u n-netwerk assoċjat tiegħu ta' universitajiet li jipprovdu diplomi wara l-lawrja, inklużi boroż ta' studju lill-istudenti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn pajjiżi terzi.

2.   Taħt l-ENI u l-IPA II, il-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali għandhom, jiġu implimentati, b'mod partikolari, f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew taħt ġestjoni indiretta ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati f'atti ta' implimentazzjoni adottati abbażi tar-Regolament (UE) Nru 232/2014 u tar-Regolament (UE) Nru 231/2014.

3.   Il-Kummissjoni tista' tadotta programmi ta' azzjoni pluriennali:

(a)

għal perijodu sa tliet snin fil-każ ta' azzjonijiet rikorrenti;

(b)

għal perijodu sa seba' snin taħt l-IPA II.

Meta jsiru impenji pluriennali, huma għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jindikaw li, għas-snin li mhumiex is-sena inizjali ta' impenn, l-impenji huma indikattivi u jiddependu fuq il-baġits annwali tal-futur tal-Unjoni.

4.   Għal azzjonijiet taħt l-ENI u l-IPA II li jestendu għal aktar minn sena finanzjarja waħda, jistgħu jinqasmu fuq diversi snin f'pagamenti annwali.

F'każijiet bħal dawn, dment li ma jkunx previst mod ieħor mir-regoli applikabbli, il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe porzjon ta' impenn baġitarju għal programm li, sal-31 ta' Diċembru tal-ħames sena wara dik tal-impenn baġitarju, ma jkunx intuża għall-fini ta' prefinanzjament jew biex isiru pagamenti interim jew li għalih l-entità inkarigata ma tkun ippreżentat l-ebda dikjarazzjoni ċertifikata ta' nefqa jew xi talba għal pagament.

5.   Ir-regoli li jirregolaw il-kooperazzjoni transkonfinali taħt IPA II implimentati f'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri għandhom ikunu konsistenti mar-regoli li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18).

Artikolu 7

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri adatti sabiex tiżgura li, meta jkunu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu protetti permezz tal-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' verifiki effettivi u, jekk jiġu identifikati irregolaritajiet, permezz ta' rkupru u, fejn adatt, il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn adatt, permezz ta' pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha, u l-Qorti tal-Awdituri, għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, jew fil-każ ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, is-setgħa ta' verifika f'konformità mal-ftehimiet li jkunu ntlaħqu magħhom, abbażi ta' dokumenti u fil-post, fir-rigward tal-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha tal-għotjiet, li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

3.   L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (20), bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni dwar għotja jew kuntratt iffinanzjat taħt dan ir-Regolament.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2, u 3, ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet dwar għotjiet u deċiżjonijiet dwar għotjiet, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jagħtu setgħa espressament lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar, verifiki fuq il-post u spezzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

TITOLU III

REGOLI DWAR IN-NAZZJONALITÀ U L-ORIĠINI GĦALL-AKKWIST PUBBLIKU, PROĊEDURI GĦALL-GĦOTJIETTA' FLUS U GĦAL GĦOTIJIET OĦRAJN

Artikou 8

Regoli komuni

1.   Il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist, u fi proċeduri għall-għotjiet ta' flus u għal għotijiet oħrajn għal azzjonijiet iffinanzjati taħt dan ir-Regolament għall-benefiċċju ta' partijiet terzi għandha tkun miftuħa għall-persuni fiżiċi kollha li huma ċittadini ta' pajjiż eliġibbli, u persuni ġuridiċi li huma effettivament stabbiliti fih, kif definit għall-Istrument applikabbli taħt dan it-Titolu, u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Persuni ġuridiċi jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

2.   Fil-każ ta' azzjonijiet kofinanzjati b'mod konġunt ma' sieħeb jew donatur ieħor jew implimentati permezz ta' Stat Membru f'ġestjoni kondiviża, jew permezz ta' fond fiduċjarju tal-Unjoni stabbilit mill-Kummissjon, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli ta' dak is-sieħeb, donatur ieħor jew Stat Membru jew iddeterminati fl-att kostitwenti tal-fond fiduċjarju għandhom ikunu eliġibbli wkoll.

Fil-każ ta' azzjonijiet implimentati permezz ta' wieħed mill-korpi inkarigati fil-ġestjoni indiretta f'kategorija elenkata fil-punti (c)(ii) sa (c)(viii) tal-Artikolu 58(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, pajjiżi li huma eliġibbli skont ir-regoli tal-korp ikkonċernat għandhom ukoll ikunu eliġibbli.

3.   Fil-każ ta' azzjonijiet iffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti u, barra minn hekk, minn strument ieħor tal-Unjoni għall-azzjoni esterna, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-pajjiżi identifikati taħt kwalunkwe wieħed minn dawk l-istrumenti għandhom jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dawk l-azzjonijiet.

Fil-każ ta' azzjonijiet ta' natura globali, reġjonali jew transkonfinali ffinanzjati minn wieħed mill-Istrumenti, il-pajjiżi, it-territorji u r-reġjuni koperti mill-azzjoni jistgħu jitqiesu eliġibbli għall-fini ta' dik l-azzjoni.

4.   Il-provvisti kollha mixtrija taħt kuntratt ta' akkwist, jew f'konformità ma' ftehim ta' għoti, iffinanzjat skont dan ir-Regolament għandhom joriġinaw minn pajjiż eliġibbli. Madankollu, huma jistgħu joriġinaw minn kwalunkwe pajjiż jew territorju meta l-ammont tal-provvisti li ser jinxtara hu taħt il-limitu għall-użu tal-proċedura kompetittiva nnegozjata. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu “oriġini” huwa ddefinit fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (21) u atti leġislattivi oħra tal-Unjoni li jirregolaw l-oriġini mhux preferenzjali.

5.   Ir-regoli f'dan it-Titolu ma japplikawx, u ma joħolqux restrizzjonijiet ta' nazzjonalità għal persuni fiżiċi impjegati jew ikkuntrattati legalment b'mod ieħor minn kuntrattur eliġibbli jew, fejn applikabbli, subkuntrattur.

6.   Sabiex jiġu promossi kapaċitajiet, swieq u xiri lokali, għandha tingħata prijorità lill-kuntratturi lokali u reġjonali meta r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 jipprevedi għotja abbażi ta' offerta waħda. Fil-każijiet l-oħra kollha, il-parteċipazzjoni ta' kuntratturi lokali u reġjonali għandha tiġi promossa f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dak ir-Regolament.

7.   L-eliġibbiltà kif stabbilita f'dan it-Titolu tista' tiġi limitata fir-rigward tan-nazzjonalità, il-pożizzjoni ġeografika jew in-natura tal-applikanti, fejn tali limitazzjonijiet ikunu meħtieġa min-natura speċifika u l-għanijiet tal-azzjoni u fejn ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tagħha. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw b'mod partikolari għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-għoti fil-każ ta' azzjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali.

8.   Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi li jkunu ngħataw kuntratti għandhom jirrispettaw il-leġislazzjoni ambjentali applikabbli inkluż ftehimiet ambjentali multilaterali, kif ukoll l-istandards tax-xogħol ewlenin miftiehma internazzjonalment (22).

Artikolu 9

Eliġibbiltà taħt id-DCI, l-ENI u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

1.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt id-DCI, l-ENI, u l-Istrument ta' Sħubija għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi:

(a)

l-Istati Membri, il-benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, u l-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(b)

għall-ENI, il-pajjiżi sħab koperti mill-ENI u l-Federazzjoni Russa meta l-proċedura rilevanti sseħħ fil-kuntest ta' programmi ta' kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi u transkonfinali li jipparteċipaw fihom;

(c)

il-pajjiżi u t-territorji li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA ppubblikata mill-OECD-DAC (“lista ta' riċevituri tal-ODA”), li mhumiex membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji barranin koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE (23);

(d)

pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif inklużi fil-lista ta' riċevituri tal-ODA, li huma membri tal-grupp G-20, u pajjiżi u territorji oħra, meta jkunu benefiċjarji tal-azzjoni ffinanzjata mill-Unjoni taħt l-Istrumenti koperti b'dan l-Artikolu;

(e)

pajjiżi li għalihom huwa stabbilit aċċess reċiproku għall-assistenza esterna mill-Kummissjoni. L-aċċess reċiproku jista' jingħata, għal perjodu limitat ta' mill-inqas sena, kull meta pajjiż jagħti eliġibbiltà fuq termini ugwali lil entitajiet mill-Unjoni u minn pajjiżi eliġibbli taħt l-Istrumenti koperti minn dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-aċċess reċiproku u dwar it-tul ta' żmien tiegħu f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2), u wara konsultazzjoni mal-pajjiż jew pajjiżi riċevituri kkonċernati; u

(f)

membri sħab tal-OECD, fil-każ ta' kuntratti implimentati f'wieħed mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati jew f'Pajjiż Fqir b'Ħafna Dejn, kif inkluż fil-lista ta' riċevituri tal-ODA.

2.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew provvisti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każ ta':

(a)

pajjiżi li tradizzjonalment għandhom rabtiet ekonomiċi, kummerċjali jew ġeografiċi ma' pajjiżi benefiċjarji ġirien; jew

(b)

urġenza jew nuqqas ta'disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħrajn debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3.   Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 10

Eliġibbiltà taħt l-IPA II

1.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati mill-pajjiżi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament taħt l-IPA II:

(a)

Stati Membri, benefiċjarji elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 231/2014, il-partijiet kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi sħabkoperti mill-ENI, u

(b)

pajjiżi li għalihom il-Kummissjoni tistabbilixxi aċċess reċiproku għall-assistenza esterna taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1).

2.   L-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli jistgħu jiġu aċċettati bħala eliġibbli mill-Kummissjoni fil-każijiet li jinvolvu urġenza jew in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' prodotti u servizzi fis-swieq tal-pajjiżi kkonċernati, jew f'każijiet oħra debitament sostanzjati fejn l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-eliġibbiltà tirrendi t-twettiq ta' proġett, programm jew azzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli.

3.   Għal azzjonijiet implimentati f'ġestjoni kondiviża, l-Istat Membru rilevanti li jkun ġie delegat kompiti ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni għandu jkun intitolat li jaċċetta bħala eliġibbli, f'isem il-Kummissjoni, l-offerenti, l-applikanti u l-kandidati minn pajjiżi mhux eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jew prodotti ta' oriġini mhux eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8(4).

Artikolu 11

Eliġibbiltà taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

1.   Mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet inerenti fin-natura u l-għanijiet tal-azzjoni kif previst fl-Artikolu 8(7), il-parteċipazzjoni fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist jew għotjiet, kif ukoll ir-reklutaġġ ta' esperti, għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet taħt l-EIDHR u l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi.

2.   Taħt l-EIDHR, il-korpi u l-atturi li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament f'konformità mal-Artikolu 4(1), (2) u (3) u l-punt (c) tal-Artikolu 6(1):

(a)

organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi mingħajr skop ta' qligħ u fondazzjonijiet politiċi indipendenti, organizzazzjonijiet ibbażati fil-Komunità u aġenziji tas-settur privat mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks tagħhom fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(b)

aġenziji tas-settur pubbliku mingħajr skop ta' qligħ, istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet u netwerks fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

(c)