ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.153.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 153

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
5 ta' Ġunju 2013


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 501/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le

1

 

*

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

17

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

5.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 501/2013

tad-29 ta’ Mejju 2013

li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri eżistenti

(1)

Bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (2), il-Kunsill impona dazju definittiv antidumping ta’ 30,6 % fuq l-importazzjoni ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“ir-RPĊ”). Wara investigazzjoni dwar l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, dan id-dazju ġie estiż bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3) għall-importazzjonijiet ta’ ċertu komponenti ta’ biċikletti li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Barra minn hekk ġie deċiż li tinħoloq “skema ta’ eżenzjoni” abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Id-dettalji tal-iskema ġew stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (4).

(2)

Wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1524/2000 (5), iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu.

(3)

Wara t-twettiq ta’ analiżi interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (6), żied id-dazju ta’ antidumping fis-seħħ għal 48,5 %.

(4)

F’Ottubru 2011, wara t-twettiq ta’ analiżi tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 (7), iddeċieda li l-miżuri hawn fuq imsemmija għandhom jinżammu (“il-miżuri eżistenti”).

(5)

F’Marzu 2012, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (8) l-bidu ta’ analiżi interim tal-miżuri antidumping għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ skont l-Artikolu 11(3) u 13(4) tar-Regolament bażiku antidumping.

(6)

F’Mejju 2013, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 502/2013 (9), emenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

(7)

F’April 2012 il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (10) l-bidu ta’ proċediment kontra s-sussidji fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 (11).

(8)

F’Novembru 2012, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (12) li s-sejbiet fl-investigazzjoni attwali jistgħu jintużaw fl-investigazzjoni tas-sussidji msemmija fil-premessa (7) hawn fuq.

(9)

F’Mejju 2013 il-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/227/UE (13), temmet il-proċediment kontra s-sussidji msemmi fil-premessa (7) hawn fuq mingħajr ma imponiet miżuri.

1.2.   Talba

(10)

Fl-14 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija soġġetti għar-reġistrazzjoni, kemm jekk dawn ikunu ddikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le.

(11)

It-talba tressqet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-biċikletti (European Bicycles Manufacturers Association EBMA) f’isem In Cycles - Montagem e Comercio de Bicicletas, Lda, SC. EUROSPORT DHS S.A. u MAXCOM Ltd, tliet produtturi tal-biċikletti tal-Unjoni.

1.3.   Tnedija

(12)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw fl-RPĊ u biex tagħmel l-importazzjonijiet ta’ biċikletti kkonsenjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, suġġetti għal reġistrazzjoni.

(13)

L-investigazzjoni nbdiet fil-25 ta’ Settembru 2012 permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 875/2012 (14) (“ir-Regolament tat-tnedija”).

(14)

L-evidenza prima facie għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni wriet bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mir-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni wara ż-żieda tad-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/2005 imsemmi fil-premessa (3). Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ tidher li seħħet mingħajr raġuni jew ġustifikazzjoni biżżejjed b’saħħitha għajr iż-żieda tad-dazju.

(15)

Din il-bidla tidher li tirriżulta mit-trażbord ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina via l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u minn operazzjonijiet ta’ mmuntar fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

(16)

Barra minn hekk, l-evidenza kienet tindika li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri eżistenti tal-antidumping fuq il-prodott ikkonċernat qed jiġu kompromessi f’termini ta’ kwantità u ta’ prezz. Volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat jidher li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw fir-RPĊ. Barra minn hekk, teżisti biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(17)

Fl-aħħar nett, kien hemm evidenza li l-prezzijiet tal-prodott taħt investigazzjoni kienu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit qabel għall-prodott ikkonċernat.

1.4.   Investigazzjoni

(18)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, lill-produtturi/esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati u lill-industrija tal-Unjoni, bit-tnedija tal-investigazzjoni.

(19)

Formoli ta’ eżenzjoni ntbagħtu lill-produtturi/esportaturi fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija magħrufa mill-Kummissjoni jew permezz tal-Missjonijiet tal-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija għall-Unjoni Ewropea. Intbagħtu kwestjonarji lill-produtturi/esportaturi fir-RPĊ li taf bihom il-Kummissjoni jew permezz tal-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea. Intbagħtu wkoll kwestjonarji lill-importaturi magħrufa mhux relatati fl-Unjoni.

(20)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu smigħ sal-iskadenza stipulata fir-Regolament tat-tnedija. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

(21)

Erba’ produtturi/esportaturi fl-Indoneżja, wieħed fil-Malasja, sitta fis-Sri Lanka u tnejn fit-Tuneżija ppreżentaw tweġibiet għall-formoli ta’ eżenzjoni. Il-produtturi/esportaturi Ċiniżi ma kkooperawx. Tliet importaturi mhux relatati fl-Unjoni ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju.

(22)

Il-Kummissjoni għamlet iż-żjajjar ta’ verifika fil-bini tal-kumpanniji li ġejjin:

P.T. Insera Sena, Buduran, Sidoarjo, l-Indoneżja,

Wijaya Indonesia Makmur Bicycles Industries, Driyorejo, Gresik, Jawa Timur, l-Indoneżja,

P.T. Terang Dunia Internusa, Slipi, Jakarta Barat, l-Indoneżja,

P.T. Chin Haur, Tangerang, l-Indoneżja,

Tan Lan Venture Corporation Sdn Bhd, Kampar, Perak, il-Malasja,

Asiabike Industrial Limited, Henamulla, Panadura, is-Sri Lanka,

BSH Ventures Limited, Colombo, is-Sri Lanka,

City Cycle Industries, Colombo, is-Sri Lanka,

Firefox Lanka (Pvt) Ltd, Weliketiya Pamunugama, is-Sri Lanka,

Kelani Cycles Pvt Ltd, Katunayake, is-Sri Lanka,

Samson Bikes (Pvt) Ltd, Colombo, is-Sri Lanka,

Mediterranean United Industries, Bouhajar Monastir, it-Tuneżija,

Euro Cycles, Sousse, it-Tuneżija.

1.5.   Perjodu ta’ rapportar u perjodu ta’ investigazzjoni

(23)

Il-perjodu ta’ investigazzjoni kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012 (“il-PI”). Id-data nġabret għall-PI sabiex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara ż-żieda tad-dazju tal-antidumping fl-2005. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu tar-rappurtar bejn l-1 ta’ Settembru 2011 u l-31 ta’ Awwissu 2012 (“il-PR”) sabiex tiġi eżaminata t-theddida possibbli għall-effett rimedjali tal-miżuri fis-seħħ u l-eżistenza tad-dumping.

2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

(24)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni saret billi ġie analizzat b’mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, l-erba’ pajjiżi interessati u l-Unjoni; jekk din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ irriżultatx minn xi prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju; jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott investigat; u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti qabel, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

2.2.   Prodott ikkonċernat u prodott investigat

(25)

Il-prodott ikkonċernat huma biċikletti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda bl-esklużjoni tal-uniċikletti), mhux motorizzati, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa huma klassifikabbli taħt il-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (“il-prodott ikkonċernat”).

(26)

Il-prodott taħt investigazzjoni huwa l-istess bħal dak definit hawn fuq, iżda kkunsinnat mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li bħalissa jaqa’ taħt l-istess kodiċi NM bħall-prodott ikkonċernat (“il-prodott taħt investigazzjoni”).

(27)

L-investigazzjoni wriet li l-biċikletti, kif definiti hawn fuq, esportati lejn l-Unjoni mill-PRĊ u dawk ikkunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użu, u għalhekk jitqiesu bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.3.   Grad ta’ kooperazzjoni u determinazzjoni tal-volumi tal-kummerċ

2.3.1.   L-Indoneżja

(28)

L-erba’ kumpanniji Indoneżjani li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku kienu jirrappreżentaw 91 % tal-importazzjonijiet totali mill-Indoneżja lejn l-Unjoni matul il-PR. Il-volumi globali tal-importazzjoni mill-Indoneżja kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-data mill-Comext (15).

(29)

Id-data sottomessa minn kumpannija waħda ma kinitx verifikabbli għaliex il-kumpannija sostniet li ma kienet żammet l-ebda dokumenti ta’ ħidma użati biex timla l-formola ta’ eżenzjoni. Għalhekk, il-kumpannija ma kinitx kapaċi tispjega u turi kif iċ-ċifri rapportati ġew miksuba. Barra minn hekk, id-data mressqa mill-kumpannija rriżultaw inaffidabbli għaliex iċ-ċifri rapportati li ġew ittestjati u kkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-kotba disponibbli fl-istabbilimenti tal-kumpannija nstab li ma kinux preċiżi (eż. xiri, volum tal-produzzjoni). L-investigazzjoni żvelat ukoll li l-maniġer tal-bejgħ tal-kumpannija kien fil-fatt fl-istess ħin impjegat minn produttur Ċiniż tal-biċikletti li kien l-akbar fornitur tal-materja prima (il-komponenti tal-biċikletti) tal-kumpannija Indoneżjana.

(30)

Għalhek, f’konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpannija ġiet infurmata bl-intenzjoni li titwarrab l-informazzjoni li hija ressqet u ngħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha.

(31)

Il-kumpannija ddikjarat li kienet kooperattiva ħafna billi pprovdiet id-dokumenti kollha mitluba minbarra d-dokumenti ta’ ħidma li allegatament ma kinux mitluba qabel. Madankollu, id-dokumenti ta’ ħidma kienu ntalbu fl-ittra ta’ qabel il-verifika mibgħuta lill-kumpannija qabel il-verifika fuq il-post. Barra minn hekk, il-kumpannija sostniet li l-kalkolu tal-valuri tal-produzzjoni u tax-xiri kien affettwat minn spjegazzjonijiet ħżiena minn ħaddiem u li l-verifika tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni kienet preċiża. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li minkejja diversi spjegazzjonijiet mingħand il-ħaddiema, fl-aħħar mill-aħħar ma kienx possibbli li ċ-ċifri pprovduti fuq il-post jiġu rrikonċiljati man-numri sottomessi fil-formola ta’ eżenzjoni. F’dak li jirrigwarda l-valur tal-bejgħ tal-esportazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni kienet fil-fatt preċiża. Barra minn hekk, matul iż-żjara ta’ verifika, il-ħaddiema li pparteċipaw fil-verifika ma kinux kapaċi jispjegaw is-sors tan-numri ddikjarati fil-formola ta’ eżenzjoni u lanqas kif ġew kumpilati n-numri. Barra minn hekk, il-kumpannija kkonfermat li l-maniġer tal-bejgħ kien b’mod parallel qed jaħdem għal produttur Ċiniż tal-biċikletti.

(32)

Għalhekk, l-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija inkwistjoni kellha tiġi mwarrba.

(33)

Għaldaqstant, il-konklużjonjiet rigward din il-kumpannija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. It-tliet kumpanniji l-oħra ġew ikkunsidrati li kkooperaw.

2.3.2.   Il-Malasja

(34)

L-unika kumpannija Malasjana li ressqet talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, kienet tirrappreżenta bejn 20 % u 30 % tat-total tal-importazzjonijiet mill-Malasja lejn l-Unjoni matul il-PR. L-importazzjonijiet totali ta’ biċikletti mill-Malasja lejn l-Unjoni kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-data minn Comext. Il-kumpannija tqieset li kkooperat.

2.3.3.   Is-Sri Lanka

(35)

Is-sitt kumpanniji fis-Sri Lanka li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku kienu jirrappreżentaw 69 % tal-importazzjonijiet totali mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni matul il-PR. Il-volumi globali tal-importazzjoni mis-Sri Lanka kienu stabbiliti fuq il-bażi tad-data minn Comext.

(36)

Waħda mill-kumpanniji rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni matul l-investigazzjoni fuq il-bażi li kienet waqqfet il-produzzjoni tal-biċikletti fis-Sri Lanka. Għalhekk, id-data fir-rigward ta’ din il-kumpannija ġew injorati.

(37)

Il-kooperazzjoni tat-tieni kumpannija nstabet li kienet insuffiċjenti. Id-data ppreżentata ma kinitx verifikabbli billi l-valur u l-volum tal-komponenti ta’ oriġini Ċiniża mixtrija mill-kumpannija ma setgħux jiġu stabbiliti b’mod ta’ min jorbot fuqu. Barra minn hekk, il-valur u l-volum tal-komponenti użati fil-proċess tal-manifattura ma setgħux jiġu vverifikati billi kienu nxtraw minn parti terza u kkonsenjati lill-kumpannija biss għall-immuntar.

(38)

Għalhek, f’konformità mal-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpannija ġiet infurmata bl-intenzjoni li titwarrab l-informazzjoni li hija ressqet u ngħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. Il-kumpannija ma pprovdietx kummenti.

(39)

Il-kooperazzjoni ta’ kumpannija oħra kienet ukoll ikkunsidrata insuffiċjenti. L-informazzjoni pprovduta ma setgħetx tkun ivverifikata fil-post peress li l-kumpannija naqset milli tipprovdi informazzjoni essenzjali. Aktar speċifikament, hija naqset milli tħejji informazzjoni espliċitament mitluba qabel il-verifika fuq il-post, bħalma huma d-dokumenti ta’ ħidma jew il-lista tal-kumpanniji relatati magħha, u għaldaqstant xekklet il-proċess ta’ verifika. Min-naħa l-oħra, il-valur tax-xiri tal-partijiet ta’ oriġini lokali kif irrappurtat mill-kumpannija nstab li ma kienx affidabbli, b’mod partikolari minħabba li l-investigazzjoni żvelat mill-inqas xi rabtiet bejn il-kumpannija u l-fornitur lokali tagħha tal-komponenti tal-biċikletti li kienu jmorru lil hinn minn relazzjoni normali ta’ xerrejja u bejjiegħa u li ma setgħux jiġu kkjarifikati mill-kumpannija.

(40)

Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-kumpannija ġiet infurmata bl-intenzjoni li tiġi injorata l-informazzjoni li ressqet u ngħatat limitu ta’ żmien sabiex tipprovdi l-kummenti tagħha. B’reazzjoni għal dan, il-kumpannija kkontestat is-sejbiet u ssottomettiet aktar evidenza u spjegazzjonijiet. L-ebda evidenza ġdida li ġiet sottomessa ma setgħet tiġi aċċettata. L-ewwel nett, għax ma setgħetx tiġi vverifikata aktar għaliex ġiet ipprovduta wara ż-żjara fuq il-post. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-evidenza l-ġdida li ġiet sottomessa nstabet li kienet inkonsistenti mal-ispjegazzjonijiet u l-evidenza miġbura fuq il-post. Fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet il-ġodda li ġew sottomessi, instab li dawn kienu insuffiċjenti minħabba li ma kinux jindirizzaw il-kwistjonijiet ewlenin pendenti, b’mod partikolari, l-kjarifiki nieqsa rigward kumpanniji relatati.

(41)

Għalhekk l-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija inkwistjoni kellha tiġi skartata.

(42)

Għaldaqstant, il-konklużjonjiet rigward din il-kumpannija kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

2.3.4.   It-Tuneżija

(43)

Iż-żewġ kumpanniji Tuneżini li ressqu talba għal eżenzjoni skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku kienu jirrappreżentaw l-importazzjonijiet kollha mit-Tuneżija lejn l-Unjoni matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext. Dawn tqiesu li kkooperaw.

2.3.5.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(44)

Kif imsemmi fil-premessa (21) hawn fuq, ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi. Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni, min-naħa l-waħda, u l-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, min-naħa l-oħra, kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni, intużat data tal-importazzjoni rreġistrata fil-Comext. L-istatistika nazzjonali Ċiniża ntużat fir-rigward tad-determinazzjoni tal-volumi ta’ esportazzjoni mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

2.4.   Bidla fix-xejra tal-kummerċ

2.4.1.   Importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija

(45)

L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ lejn l-Unjoni naqsu bi 38,2 % mill-2005, jiġifieri wara ż-żieda tal-miżuri antidumping f’Lulju 2005, u komplew jonqsu fis-snin ta’ wara. B’kollox, l-importazzjonijiet mir-RPĊ naqsu b’iktar minn 80 % fil-PI.

(46)

Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-Indoneżja għall-Unjoni żdiedu mill-2005 ’l quddiem u aktar milli rdoppjaw fl-2006 meta mqabbla mal-2004. L-importazzjonijiet baqgħu jiżdiedu, bl-eċċezzjoni tal-2009, minkejja li baqgħu f’livelli ferm ogħla minn dawk tal-2004. Mill-2009 ’l hawn, l-importazzjonijiet reġgħu żdiedu kontinwament sal-PR. Fil-PR l-importazzjonijiet mill-Indoneżja żdiedu b’157 % meta mqabbla mal-2004.

(47)

Fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mill-Malasja lejn l-Unjoni, dawn kienu negliġibbli qabel iż-żieda tad-dazju antidumping f’Lulju 2005. Fl-2005, dawn żdiedu b’mod sinifikanti (b’iktar minn mitejn darba) iżda naqsu fl-2009 b’46 %, segwiti minn żieda oħra ta’ 38 % fl-2010. Għalkemm l-importazzjonijiet mill-Malasja reġgħu naqsu fl-2011 u matul il-PR, il-livell ta’ importazzjoni mill-Malasja matul il-PR għadu jaqbeż sewwa l-livell tal-importazzjoni mill-2004 qabel iż-żieda tal-miżuri antidumping, jiġifieri 185 158 biċikletta meta mqabbla ma’ 10 749 waħda fl-2004 jew b’1 623 %.

(48)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni mis-Sri Lanka għall-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti wara ż-żieda tad-dazji antidumping fl-2005 u komplew jiżdiedu fis-snin ta’ wara bi kważi 500 % u laħqu quċċata fl-2010. Fl-2011 u matul il-PR l-importazzjonijiet mis-Sri Lanka tal-prodott taħt l-investigazzjoni naqsu, għalkemm dawn għadhom ferm ogħla mil-livelli ta’ importazzjoni tal-2004 qabel iż-żieda tal-miżuri antidumping, jiġifieri l-importazzjonijiet globali mis-Sri Lanka żdiedu b’282 % bejn l-2004 u l-PR.

(49)

Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mit-Tuneżija għall-Unjoni żdiedu bi kważi 30 % fl-2005, jiġifieri wara ż-żieda tad-dazji antidumping, u b’aktar minn 20 % fl-2006. Huma aktar milli rduppjaw bejn l-2006 u l-2007, u laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2007. Importazzjonijiet matul l-2008 u l-2010 kienu qegħdin jonqsu, reġgħu żdiedu fl-2011 u mbagħad naqsu bi ftit matul il-PR. Matul il-PI, l-importazzjonijiet mit-Tuneżija żdiedu b’200,3 %.

(50)

It-Tabella 1 turi l-kwantitajiet ta’ importazzjonijiet ta’ biċikletti mir-RPĊ, l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012, jiġifieri matul il-PI.

Tabella 1

(unitajiet)

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

1.9.2011-31.8.2012 (PR)

Ir-RPĊ

2 550 775

1 575 452

995 715

986 514

941 522

597 339

627 066

584 303

411 642

Indiċi (2004 = 100)

100

61,8

39,0

38,7

36,9

23,4

24,6

22,9

16,1

L-Indoneżja

237 648

282 045

500 623

593 769

634 623

437 023

551 847

614 798

612 448

Indiċi (2004 = 100)

100

118,7

210,7

249,9

267,0

183,9

232,2

258,7

257,7

Il-Malasja

10 749

229 354

497 974

475 463

360 871

193 102

266 164

177 306

185 158

Indiċi (2004 = 100)

100

2 133,7

4 632,7

4 423,3

3 357,3

1 796,5

2 476,2

1 649,5

1 722,6

Is-Sri Lanka

249 491

352 078

534 413

574 153

749 358

1 016 523

1 237 406

975 297

953 169

Indiċi (2004 = 100)

100

141,1

214,2

230,1

300,4

407,4

496,0

390,9

382,0

It-Tuneżija

167 137

212 257

251 054

549 848

527 209

529 734

414 488

519 217

501 853

Indiċi (2004 = 100)

100

127,0

150,2

329,0

315,4

316,9

248,0

310,7

300,3

Sors:

L-istatistika tal-Comext

2.4.2.   l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija

(51)

L-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn l-Indoneżja żdiedu l-ewwel fl-2008 (b’56,2 %). Bejn l-2008 u l-PR, l-importazzjonijiet komplew jiżdiedu, bl-eċċezzjoni tal-2009. Matul il-PI l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja żdiedu fit-total bi 83,8 %.

(52)

L-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn il-Malasja żdiedu fl-2005, wara ż-żieda tal-miżuri antidumping, bi kważi 30 % u komplew jiżdiedu sakemm laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2011, jiġifieri żieda ta’ 110,8 % meta mqabbla mal-2004. Fil-PR l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-Malasja, naqsu kemxejn, iżda baqgħu f’livelli fil-biċċa l-kbira ogħla minn dawk tal-2004. B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn il-Malasja żdiedu b’99,6 % matul il-PI.

(53)

L-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn is-Sri Lanka żdiedu wkoll wara ż-żieda tad-dazji antidumping f’Lulju 2005. Huma naqsu kemxejn fl-2007 iżda żdiedu b’iktar mid-doppju fl-2010 u fl-2011 meta mqabbla mal-2004. Kumplessivament, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn is-Sri Lanka żdiedu b’132,5 % matul il-PI.

(54)

Finalment l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tuneżija kienu negliġibbli qabel iż-żieda tad-dazji antidumping. Mill-2005 ’il quddiem, l-esportazzjonijiet lejn it-Tuneżija żdiedu b’mod sinifikanti u laħqu l-ogħla livell tagħhom fl-2008 (minn 2 534 unità fl-2004 għal 389 445 unità fl-2008). Għalkemm l-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn it-Tuneżija naqsu u baqgħu f’livelli aktar baxxi wara l-2008, huma xorta baqgħu f’livelli ferm ogħla minn dawk ta’ matul l-2004. B’mod ġenerali, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn it-Tuneżija żdiedu minn 2 534 biċikletta fl-2004 għal 170 772 biċikletta fil-PR.

(55)

It-Tabella 2 turi l-esportazzjonijiet tal-biċikletti mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-31 ta’ Awwissu 2012, jiġifieri matul il-PI.

Tabella 2

(unitajiet)

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

1.9.2011-31.8.2012 (PR)

L-Indoneżja

2 128 804

1 731 224

2 121 019

1 906 364

3 325 531

2 287 374

3 644 836

3 773 852

3 912 882

Indiċi (2004 = 100)

100

81,3

99,6

89,6

156,2

107,4

171,2

177,3

183,8

Il-Malasja

721 335

933 943

890 241

974 860

1 515 886

1 111 251

1 291 766

1 520 276

1 440 132

Indiċi (2004 = 100)

100

129,5

123,4

135,1

210,2

154,1

179,1

210,8

199,6

Is-Sri Lanka

267 371

315 233

345 953

254 774

425 405

383 377

699 328

685 744

621 620

Indiċi (2004 = 100)

100

117,9

129,4

95,3

159,1

143,4

261,6

256,5

232,5

It-Tuneżija

2 534

7 188

37 042

175 761

389 445

171 332

225 369

204 465

170 772

Indiċi (2004 = 100)

100

283,7

1 461,8

6 936,1

15 368,8

6 761,3

8 893,8

8 068,9

6 739,2

Sors:

L-istatistika Ċiniża

2.4.3.   Il-volumi ta’ produzzjoni

(56)

Il-kumpanniji fl-Indoneżja u t-Tuneżija żiedu l-produzzjoni tagћhom bejn l-2009 u l-PR, b’54 % u 24 % rispettivament. Il-kumpanniji tas-Sri Lanka madankollu naqqsu ftit il-produzzjoni tagħhom matul l-istess perjodu.

(57)

Dwar il-Malasja, l-unika kumpannija fil-Malasja li kkooperat bdiet tipproduċi u tesporta l-biċikletti fl-2010. Peress li l-ebda kumpannija oħra ma kkooperat, l-ebda informazzjoni ma setgħet tinkiseb fuq il-livelli possibbli tal-produzzjoni ġenwina tal-prodott investigat f’dan il-pajjiż.

Tabella 3

Il-produzzjoni ta’ biċikletti tal-kumpanniji li kkooperaw fl-Indoneżja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija

Il-volumi ta’ produzzjoni f’unitajiet

2009

2010

2011

PR

L-Indoneżja

1 217 664

1 631 459

1 877 067

1 877 381

Indiċi

100

134

154

154

Is-Sri Lanka

737 632

886 191

688 059

692 454

Indiċi

100

120

93

94

It-Tuneżija

430 022

483 135

575 393

532 425

Indiċi

100

112

134

124

2.5.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(58)

It-tnaqqis kumplessiv tal-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Unjoni u ż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija lejn l-Unjoni u ż-żieda fl-esportazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija wara ż-żieda tal-miżuri antidumping f’Lulju 2005 tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi konċernati, fuq naħa waħda, u l-Unjoni, fuq in-naħa l-oħra, skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

2.6.   In-natura tal-prattiki ta’ evażjoni

(59)

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jesiġi li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tirriżulta minn prassi, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost oħrajn, il-kunsinja tal-prodott suġġett għall-miżuri eżistenti vija pajjiżi terzi u l-immuntar ta’ komponenti permezz ta’ operazzjoni ta’ mmuntar fl-Unjoni jew f’pajjiż terz. Għal dan l-għan l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar kienet determinata skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

2.6.1.   L-Indoneżja

Trażbord

(60)

L-esportazzjonijiet mill-erba’ kumpanniji Indoneżjani li kkooperaw inizjalment kienu jammontaw għal 91 % tat-total ta’ esportazzjonijiet Indoneżjani lejn l-Unjoni fil-PR.

(61)

Għal tlieta mill-erba’ kumpanniji li kkooperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattiki ta’ trażbord.

(62)

Fir-rigward tar-raba’ kumpannija, kif iddikjarat fil-premessi (29) sa (33) aktar ’il fuq, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet ġustifikata. L-investigazzjoni żvelat li l-kumpannija ma kenitx tippossjedi tagħmir suffiċjenti biex jiġġustifika l-volumi tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PR u, għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-kumpannija kienet involuta fi prattiċi ta’ evażjoni permezz ta’ trażbord.

(63)

Għall-bqija tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni kif deskritt fil-premessi (29) sa (33) hawn fuq.

(64)

Għaldaqstant, fid-dawl tal-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ konklużi fil-premessa (58) hawn fuq bejn l-Indoneżja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet ta’ kumpannija waħda Indoneżjana kif iddikjarat fil-premessa (61) hawn fuq, u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi Indoneżjani kollha ppreżentaw ruħhom u kkooperaw, l-eżistenza ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża vija l-Indoneżja hija kkonfermata.

Operazzjoni ta’ mmuntar

(65)

Is-sorsi tal-materja prima (komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal kull kumpannija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta’ assembleġġ eżistenti fl-Indoneżja li qed tevadi l-miżuri skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għal tlieta mill-erba’ kumpanniji li kkooperaw inizjalment, il-materja prima ta’ oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) ma kenitx tikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott immuntat. Għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul l-operazzjoni ta’ mmuntar kienx ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura. Konsegwentement, operazzjonijiet tal-immuntar ma kinux stabbiliti fir-rigward ta’ dawn it-tliet kumpanniji.

(66)

Għar-raba’ kumpannija, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku ġie applikat kif imsemmi fil-premessi (29) sa (33) aktar ’il fuq. Billi l-kumpannija ma setgħetx tipprovdi data affidabbli, ma setax jiġi stabbilit jekk kenitx involuta f’operazzjonijiet ta’ mmuntar.

(67)

Għalhekk, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma ġietx stabbilita.

2.6.2.   Il-Malasja

Trażbord

(68)

L-esportazzjonijiet tal-unika kumpannija Malasjana li kkooperat ammontaw għal bejn 20 % u 30 % tal-esportazzjonijiet totali tal-Malasja lejn l-Unjoni fil-PR. Din il-kumpannija bdiet tipproduċi u tesporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat biss fi tmiem l-2011. L-ebda prattiki ta’ trażbord ma nstabu fir-rigward ta’ din il-kumpannija. Għall-bqija tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni kif indikat b’mod ċar fil-premessa (34) hawn fuq.

(69)

Għaldaqstant, fid-dawl tal-bidliet fix-xejriet tal-kummerċ konklużi fil-premessa (58) bejn il-Malasja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi kollha tal-Malasja ppreżentaw ruħhom u kkooperaw jista’ jiġi konkluż li l-bqija tal-volumi ta’ esportazzjonijiet li mhumiex ġejjin minn din il-kumpannija jistgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’ trażbord.

(70)

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża mill-Malasja, hija kkonfermata.

Operazzjoni ta’ mmuntar

(71)

Fil-każ tal-Malasja l-ambitu tal-investigazzjoni ġie estiż biex ikopri prattiki ta’ evażjoni oħra li ġew identifikati fil-kors tal-investigazzjoni, jiġifieri operazzjonijiet tal-immuntar, kif stipulat fil-premessa (12) tar-Regolament tat-tnedija.

(72)

Il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġew analizzati għall-unika kumpannija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta’ mmuntar fil-Malasja li qed tevadi l-miżuri eżistenti. L-investigazzjoni wasslet għas-sejbiet li ġejjin.

(73)

Il-kumpannija bdiet topera fl-2010 u għalhekk wara li l-miżuri antidumping kontra r-RPĊ ġew miżjuda. Il-kumpannija nstabet li kienet orjentata lejn l-esportazzjoni mmirata lejn is-suq tal-Unjoni, peress li sar biss bejgħ negliġibbli fis-suq domestiku jew f’pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, il-komponenti użati fil-produzzjoni kienu misjuba li oriġinaw primarjament mir-RPĊ. Il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Bażiku għalhekk kienu kkunsidrati li ġew issodisfati.

(74)

Minbara dan, din il-kumpannija kienet qed tixtri kits tal-biċikletti żarmati għal kollox mir-RPĊ, minbarra għal tliet tipi ta’ komponenti. F’dan il-każ, il-materja prima ta’ oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) kienet tikkostitwixxi iktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali. Barra minn hekk, il-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul l-operazzjoni tal-immuntar ma nstabx li kien ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura ta’ din il-kumpannija. Il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b), għaldaqstant, ġew issodisfati.

(75)

Barra minn hekk, skont l-Artikoli 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, tqabbil tal-valur normali, kif stabbilit qabel (ara l-premessa (98)), u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-kumpannija lejn l-Unjoni matul il-PR, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas, wera dumping sinifikanti mill-kumpannija kkonċernata fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. It-tqabbil twettaq għal kull kull tip tal-prodott taħt investigazzjoni esportat lejn l-Unjoni fil-PR. Barra minn hekk, instab illi l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ din il-kumpannija kienu ferm inqas mil-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara stabbilit għall-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni oriġinali. Il-kalkolu sar skont il-kategoriji ewlenin ta’ prodotti, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli. Għalhekk, l-effetti rimedjali tad-dazju fis-seħħ instab li huma mminati f’termini ta’ prezzijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, kien konkluż li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati.

(76)

Fuq din il-bażi, il-kumpannija nstabet li hi involuta f’operazzjoni ta’ mmuntar. Għalhekk, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar skont it-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku fil-Malasja hija kkonfermata.

2.6.3.   Is-Sri Lanka

Trażbord

(77)

L-esportazzjonijiet tal-kumpanniji tas-Sri Lanka li inizjalment ikkooperaw kienu jammontaw għal 69 % tat-total tal-esportazzjonijiet tas-Sri Lanka lejn l-Unjoni fil-PR. Għal tlieta mis-sitt kumpanniji li kkooperaw inizjalment, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda prattiki ta’ trażbord. Għall-esportazzjonijiet l-oħra ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni kif spjegat fil-premessi (35) sa (42).

(78)

Għaldaqstant, fid-dawl tat-tibdil fix-xejriet tal-kummeċ konklużi fil-premessa (58) bejn is-Sri Lanka u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku u l-fatt li mhux il-produtturi/esportaturi kollha tas-Sri Lanka ppreżentaw ruħhom u/jew ikkooperaw jista’ jiġi konkluż li l-esportazzjonijiet ta’ dawk il-produtturi/esportaturi jistgħu jiġu attribwiti għal prattiki ta’ trażbord.

(79)

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża mill-Malasja hija kkonfermata.

Operazzjoni ta’ mmuntar

(80)

Is-sorsi tal-materja prima (komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal kull kumpannija li kkooperat u dan sabiex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta’ assembleġġ fis-Sri Lanka li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(81)

Għal tlieta mis-sitt kumpanniji li kkooperaw inizjalment, il-materja prima ta’ oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) ma kinitx tikkostitwixxi 60 % jew aktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott immuntat. Għalhekk ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-valur miżjud tal-komponenti mdaħħla matul l-operazzjoni ta’ mmuntar kienx ikbar minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura. Konsegwentement, operazzjonijiet tal-immuntar ma kinux stabbiliti fir-rigward ta’ dawn it-tliet kumpanniji.

(82)

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kien applikat għal żewġ kumpanniji oħra kif spjegat fil-premessi (37) sa (42) hawn fuq, filwaqt li kumpannija waħda oħra rtirat il-kooperazzjoni tagħha waqt il-verifika fuq il-post kif imsemmi fil-premessa (36) hawn fuq. Għalhekk, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ma ġietx stabbilita.

2.6.4.   It-Tuneżija

Trażbord

(83)

L-esportazzjonijiet ta’ kumpanniji Tuneżini li kkooperaw koprew l-importazzjonijiet totali mit-Tuneżija lejn l-Unjoni fil-PR.

(84)

Il-verifikazzjoni taż-żewġ kumpanniji li kkooperaw ma żvelat l-ebda trażbord ta’ prodotti ta’ oriġini Ċiniża via t-Tuneżija.

Operazzjoni ta’ mmuntar

(85)

Is-sorsi tal-materja prima (komponenti tal-biċikletti) u l-ispiża tal-produzzjoni kienu analizzati għal kull kumpannija li kkooperat biex ikun stabbilit jekk hemmx xi operazzjoni ta’ mmuntar fit-Tuneżija li qed tevadi l-miżuri eżistenti skont il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għal kumpannija waħda li kkooperat, il-materja prima (komponenti tal-biċikletti) ta’ oriġini Ċiniża kkostitwiet iktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott immuntat. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li l-valur miżjud tal-partijiet li ddaħħlu matul l-operazzjoni ta’ mmuntar kien jaqbeż il-25 % tal-ispiża tal-manifattura ta’ din il-kumpannija. Fuq din il-bażi l-kumpannija nstabet li mhix involuta f’operazzjoni ta’ mmuntar.

(86)

Il-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġew analizzati għall-kumpannija Tuneżina l-oħra. L-investigazzjoni wasslet għas-sejbiet li ġejjin.

(87)

Il-kumpannija bdiet topera mill-2006 u għalhekk wara li l-miżuri antidumping kontra r-RPĊ ġew miżjuda. Il-kumpannija nstabet li kienet orjentata lejn l-esportazzjoni u mmirata lejn is-suq tal-Unjoni, peress li sar biss bejgħ negliġibbli fis-suq domestiku jew f’pajjiżi terzi oħra. Barra minn hekk, il-komponenti użati fil-produzzjoni nstab li kienu oriġinaw primarjament mir-RPĊ. Għaldaqstant, kien ikkunsidrat li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati.

(88)

Minbarra dan, il-kumpannija kkonċernata nstab li kellha manifattur Ċiniż tal-biċikletti bħala l-azzjonist maġġoritarju tagħha.

(89)

Barra minn hekk, il-kumpannija xtrat il-partijiet kollha mir-RPĊ u għalhekk il-materja prima ta’ oriġini Ċiniża (komponenti tal-biċikletti) kienet tikkostitwixxi iktar minn 60 % tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott finali. Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li l-uniku fornitur tas-servizzi u tal-komponenti Ċiniżi kien relatat mal-azzjonist maġġoritarju Ċiniż tal-kumpannija inkwistjoni. Minbarra dan, il-valur miżjud tal-partijiet imdaħħla matul l-operazzjonijiet ta’ mmuntar tal-kumpannija ma kienx jaqbeż il-25 % tal-ispiża tal-manifattura ta’ din il-kumpannija. Fuq din il-bażi il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Bażiku għalhekk kienu kkunsidrati li ġew issodisfati.

(90)

Barra minn hekk, il-verifika żvelat għadd kbir ta’ żbalji fil-lista ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-PR u, għalhekk, fajl ġdid kien kostruwit fuq il-bażi tal-fatturi tal-bejgħ fil-kampjun li jkopru madwar 25 % tal-esportazzjonijiet totali lejn is-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, kif previst fl-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku, fin-nuqqas ta’ tagħrif dettaljat dwar it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjonijiet tal-kumpannija rispettiva lejn l-Unjoni, il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq il-bażi tal-valur normali medju peżat stabbilit qabel (ara l-premessa (98)) ma’ prezz tal-esportazzjoni medju peżat ta’ din il-kumpannija lejn l-Unjoni. Il-marġni tad-dumping espress bħala perċentwal tal-valur CIF fil-fruntiera tal-Unjoni nstab li huwa sinifikanti. Barra minn hekk, instab illi l-prezzijiet tal-esportazzjoni ta’ din il-kumpannija bħala medja kienu ferm inqas mil-livell ta’ tneħħija ta’ ħsara stabbilit għall-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni oriġinali. Il-kalkolu sar fuq bażi ta’ medja ppeżata. Għalhekk, l-effetti rimedjali tad-dazju fis-seħħ nstab li huma mminati f’termini ta’ prezzijiet. Għalhekk, ġie konkluż li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(c) tar-Regolament bażiku ġew issodisfati. Fuq din il-bażi, il-kumpannija nstabet li hi involuta f’operazzjoni ta’ mmuntar.

(91)

Għalhekk, l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ mmuntar fit-Tuneżija fit-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku hija b’dan ikkonfermata.

2.7.   Nuqqas ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju antidumping

(92)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għall-operazzjonijiet ta’ mmuntar għajr għall-evażjoni tal-miżuri oriġinali fuq il-prodott ikkonċernat. Ma nstab l-ebda element, għajr għad-dazju, li seta’ jitqies bħala kumpens għall-ispejjeż tat-trażbord u l-operazzjonijiet ta’ mmuntar, partikolarment fir-rigward tat-trasport u t-tagħbija mill-ġdid tal-biċikletti li joriġinaw fir-RPĊ vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

2.8.   L-imminar tal-effett rimedjali tad-dazju antidumping

(93)

Sabiex jiġi vvalutat jekk il-prodotti importati, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, dgħajfux l-effetti rimedjali tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ, kienet użata d-data Comext għax din kienet ikkunsidrata bħala l-aħjar data disponibbli dwar il-kwantitajiet u l-prezzijiet ta’ esportazzjonijiet minn produtturi/esportaturi li kkooperaw inizjalment fejn l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kien applikat u minn kumpanniji li ma kkooperawx. Fejn applikabbli, għall-kumpanniji li kkooperaw li nstabu involuti fi prattiċi ta’ evażjoni, intużaw il-kwantitajiet irrappurati u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom. Il-prezzijiet tal-esportazzjoni kif kienu determinati ġew imqabbla mal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara għal produtturi tal-Unjoni kif l-aħħar stabbilit, jiġifieri fir-reviżjoni interim konkluża fl-2005, imsemmija fil-premessa (3).

(94)

Il-paragun tal-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara kif stabbilit fir-reviżjoni interim fl-2005 u l-medja ppeżata tal-prezz tal-esportazzjoni matul il-PR tal-investigazzjoni attwali wera bejgħ sinifikanti taħt il-prezz għal kull wieħed mill-erba’ pajjiżi kkonċernati.

(95)

Iż-żieda ta’ importazzjonijiet mill-Indonesja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija lejn l-Unjoni kienet meqjusa sinifikanti f’termini ta’ kwantitajiet kif diskuss fit-taqsima 2.4.1 (premessi (45) sa (50)).

(96)

Għalhekk ġie konkluż li l-miżuri eżistenti qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet.

2.9.   Evidenza ta’ dumping

(97)

Finalment, b’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit preċedentement għall-prodott ikkonċernat.

(98)

Fir-reviżjoni interim konkluża fl-2005, imsemmija fil-premessa (3) hawn fuq, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet fil-Messiku, li f’dik l-investigazzjoni nstab li kien pajjiż analogu adegwat b’ekonomija tas-suq għar-RPĊ (“il-valur normali stabbilit qabel”).

2.9.1.   L-Indoneżja

(99)

Parti sinifikattiva tal-esportazzjonijiet Indoneżjani nstabu li kienu produzzjoni ġenwina Indoneżjana esportata minn tliet kumpanniji Indoneżjani li nstabu li ma kinux involuti fi prattiki ta’ evażjoni kif iddikjarat fil-premessi (61) u (65). Għal din ir-raġuni, biex ikunu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Indoneżja li huma affettwati mill-prattiki ta’ evażjoni, biss l-esportazzjonijiet tal-produtturi/esportaturi li ma kooperawx ġew ikkunsidrati. Għal dan l-għan saret rikorrenza għall-aħjar fatti disponibbli u l-prezzijiet tal-esportazzjoni ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezz medju ta’ esportazzjoni ta’ biċikletti mill-Indoneżja lejn l-Unjoni matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext.

(100)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni u tal-ppakkjar ippreżentati mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni.

(101)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati li jikkorrispondu ma’ dan tal-esportazzjonijiet tal-Indoneżja matul il-PR, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(102)

It-tqabbil tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li kien hemm dumping.

2.9.2.   Il-Malasja

(103)

Minħabba l-kooperazzjoni baxxa mill-produtturi tal-prodott investigat fil-Malasja, il-prezz tal-esportazzjoni mill-Malasja kellu jiġi bbażat fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ biċikletti matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext.

(104)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għad-differenzi fit-trasport, l-assigurazzjoni, u l-ispejjeż tal-imballaġġ. Minħabba li l-kooperazzjoni kienet baxxa, l-aġġustamenti rilevanti kienu bbażati fuq l-informazzjoni mibgħuta mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni.

(105)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati li jikkorrispondu ma’ dan tal-esportazzjonijiet tal-Malasja matul il-PR, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF bid-dazju mhux imħallas fil-fruntiera tal-Unjoni.

(106)

It-tqabbil tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li kien hemm dumping.

2.9.3.   Is-Sri Lanka

(107)

Billi l-kooperazzjoni mis-Sri Lanka kienet baxxa, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, jiġifieri fuq il-prezz medju tal-esportazzjonijiet ta’ biċikletti matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext li tqabbel mad-data ta’ esportazzjoni disponibbli tal-kumpanniji mhux involuti fi prattiċi ta’ evażjoni.

(108)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, u minħabba n-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni u tal-ippakkjar abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni.

(109)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati li jikkorrispondu miegħu tal-esportazzjonijiet tas-Sri Lanka matul il-PR, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(110)

It-tqabbil tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li kien hemm dumping.

2.9.4.   It-Tuneżija

(111)

Il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz medju tal-esportazzjoni tal-biċikletti matul il-PR kif irrappurtat fil-Comext li tqabblet mad-data tal-esportazzjoni mill-kumpannija li ma kenitx involuta fi prattiċi ta’ evażjoni.

(112)

Biex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, saru aġġustamenti għal differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, tal-assigurazzjoni u tal-ippakkjar fuq il-bażi ta’ informazzjoni mibgħuta mill-industrija tal-Unjoni fit-talba tagħha għal din l-investigazzjoni.

(113)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkulat billi ġew ipparagunati l-valur normali medju ppeżat kif stabbilit qabel u l-prezzijiet medji ppeżati li jikkorrispondu ma’ dan tal-esportazzjonijiet tat-Tuneżija matul il-PR, espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni bid-dazju mhux imħallas.

(114)

It-tqabbil tal-valur normali medju ppeżat u l-prezz medju ppeżat tal-esportazzjoni kif stabbilit wera li kien hemm dumping.

3.   MIŻURI

(115)

Minħabba dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-biċikletti li joriġinaw mir-RPĊ kien evitat permezz ta’ trażbord vija l-Indoneżja, il-Malasja, u s-Sri Lanka u operazzjonijiet ta’ mmuntar, vija l-Malasja u t-Tuneżija skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(116)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le.

(117)

Il-miżuri li għandhom jiġu estiżi għandhom ikunu dawk bħalissa stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011, li huma dazju definittiv antidumping ta’ 48,5 % applikabbli għall-prezz nett, mingħajr ħlas fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

(118)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tat-tnedija, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-biċikletti kkunsinnati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija.

4.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI

4.1.   L-Indoneżja

(119)

l-erba’ kumpanniji fl-Indoneżja li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġiba għall-formola ta’ eżenzjoni.

(120)

Kif iddikjarat fil-premessi (29) sa (33), l-applikazzjoni tal-Art 18 kienet ġustifikata għal kumpannija waħda. Għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58), ma tistax tingħata l-eżenzjoni lil din il-kumpannija.

(121)

It-tliet kumpanniji l-oħra li kkooperaw fl-Indoneżja li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku nstab li ma kinux involuti fi prattiki ta’ evażjoni li huma s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni kif iddikjarat fil-premessa (65). Barra minn hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li ma kienu relatati mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi involuti fi prattiċi ta’ evażjoni u lanqas mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk, eżenzjoni mill-miżuri estiżi tista’ tingħata lil dawn it-tliet kumpanniji.

4.2.   Il-Malasja

(122)

Kumpannija waħda fil-Malasja li talbet eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentat tweġiba għall-formola ta’ eżenzjoni.

(123)

Kif iddikjarat fil-premessi (72) sa (76), il-kumpannija nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta’ evażjoni. Għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58), ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpannija:

4.3.   Is-Sri Lanka

(124)

Is-sitt kumpanniji fis-Sri Lanka li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġibiet għall-formola ta’ eżenzjoni.

(125)

Kif iddikjarat fil-premessa (36), waħda mill-kumpanniji rtirat it-talba tagħha għal eżenzjoni matul l-investigazzjoni u għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58), ma tistax tingħata eżenzjoni lil din il-kumpannija.

(126)

Għal żewġ kumpanniji oħra, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku kienet ġustifikata kif iddikjarat fil-premessi (36) sa (42), u għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58), ma tistax tingħata eżenzjoni lil dawn il-kumpanniji.

(127)

It-tliet kumpanniji l-oħra li kkooperaw fis-Sri Lanka li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku nstabu li ma kinux involuti fil-prattiki ta’ evażjoni li huma soġġetti għal din l-investigazzjoni kif iddikjarat fil-premessi (80) u (81). Barra minn hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li ma kienu relatati mal-ebda waħda mill-kumpanniji li nstabu li qed jevadu u lanqas mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk, tista’ tingħata eżenzjoni mill-miżuri estiżi lil dawn il-kumpanniji.

4.4.   It-Tuneżija

(128)

Iż-żewġ kumpanniji fit-Tuneżija li talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżentaw tweġibiet għall-formola ta’ eżenzjoni.

(129)

Kumpannija waħda nstabet li ma kenitx involuta fil-prattiki ta’ evażjoni li huma s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, dan il-produttur seta’ juri li ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-kumpanniji li nstabu li qed jevadu u lanqas mal-ebda wieħed mill-produtturi/esportaturi Ċiniżi tal-biċikletti. Għalhekk, eżenzjoni mill-miżuri estiżi tista’ tingħata lil din il-kumpannija.

(130)

Kif iddikjarat fil-premessa (89), it-tieni kumpannija nstabet li kienet involuta fi prattiċi ta’ evażjoni. Għalhekk, fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ u tat-trażbord kif stabbilit fil-premessa (58), ma tistax tingħata eżenzjoni.

4.5.   Miżuri speċjali

(131)

Huwa meqjus li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali huma r-rekwiżit tal-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Importazzjonijiet mhux akkumpanjati minn din il-fattura jkunu suġġett għad-dazju tal-antidumping estiż.

4.6.   Operaturi ġodda

(132)

Bla ħsara għall-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, produtturi oħra fil-Malasja li ma ppreżentawx ruħhom f’dan il-proċediment u li ma esportawx il-prodott investigat lejn l-Unjoni fil-PR u li jikkunsidraw li jagħmlu talba għall-eżenzjoni mid-dazju tal-antidumping estiż, skont l-Artikoli 11(4) u 13(4) tar-Regolament bażiku, ser ikollhom jimlew kwestjonarju sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi jekk eżenzjoni tistax tkun ġustifikata. Din l-eżenzjoni tista’ tingħata wara l-valutazzjoni tal-qagħda tas-suq għall-prodott ikkonċernat, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, l-akkwist u l-bejgħ u l-probabbiltà tat-tkomplija tal-prattiki li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti u l-evidenza ta’ dumping. Il-Kummissjoni normalment tagħmel ukoll żjara ta’ verifika fil-post. It-talba għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni minnufih, bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ.

(133)

Fejn eżenzjoni hi ġustifikata, il-miżuri estiżi fis-seħħ għandhom jiġu emendati skont dan. Sussegwentement, kull eżenzjoni mogħtija tkun immonitorjata biex tkun żgurata l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fiha.

5.   DIVULGAZZJONI

(134)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw.

(135)

Kumpanniji Indoneżjana waħda tenniet il-pretensjonijiet tagħha msemmija fil-premessa (31) mingħajr ma pprovdiet l-ebda evidenza ssostanzjata ġdida. F’dan ir-rigward, kif imsemmi fil-premessa (29), id-data sottomessa mill-kumpannija ma kenitx verifikablli billi l-ebda fajls ta’ ħidma li jissostanzjaw iċ-ċifri pprovduti fil-formola tal-eżenzjoni ma kienu miżmuma mill-kumpannija. Barra minn hekk, iċ-ċifri rapportati li ġew ittestjati u ikkalkulati mill-ġdid fuq il-bażi tal-kotba disponibbli fl-istabbiliment tal-kumpannija, jiġifieri l-volum tax-xiri u tal-produzzjoni, instab li mhumiex eżatti. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet huma miċħuda.

(136)

Kumpannija waħda fil-Malasja argumentat li l-fatt li l-piż tal-komponenti ta’ oriġini Ċiniża fl-ispiża tal-manifattura tal-biċikletti kien biss ftit ogħla mil-limitu ta’ 60 % ma għandux iwassal lill-Kummissjoni biex tirrifjuta t-talba tagħha għal eżenzjoni. Barra minn hekk, il-kumpannija ssottomettiet xi fatturi għax-xiri ta’ partijiet li allegatament kienu rrapportati skorrettament bħala li joriġinaw mir-RPĊ meta fil-fatt kienu mill-Indoneżja.

(137)

F’dan ir-rigward għandu jiġi nnutat li l-limiti stipulati fl-Artikolu (13)(2)(b) tar-Regolament bażiku huma ċari ħafna u, għalhekk, mhuwiex rilevanti b’kemm il-piż ta’ komponenti ta’ oriġini Ċiniża fl-ispiża tal-produzzjoni tal-biċikletti jaqbeż il-limitu ta’ 60 % iżda li l-partijiet ta’ oriġini Ċiniża jirrappreżentaw inqas minn 60 % mill-ispiża tal-produzzjoni tal-biċikletti. Barra minn hekk, dawn il-fatturi ma setgħux jiġu ntraċċati lura fil-lista ta’ xiri pprovduta mill-kumpannija u, barra minn hekk, il-valur tal-fatturi ppreżenati ma kienx materjali biex ibiddel l-istima oriġinali tal-Kummissjoni. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet huma miċħuda.

(138)

Barra minn hekk, il-kumpannija kkonċernata argumentat li mhemmx bażi legali suffiċjenti għaċ-ċaħda tat-talba tal-kumpannija għal eżenzjoni billi l-konklużjonijiet milħuqa huma bbażati fuq kalkoli mingħajr kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni individwali tal-kumpannija kkonċernata. B’risposta għal din it-talba, il-kumpannija rċeviet aktar spjegazzjonijiet li jirriflettu l-analiżi fil-premessi (72) sa (75).

(139)

Barra minn hekk, il-kumpannija sostniet li ż-żieda ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-kumpannija in kwistjoni tikkoinċidi mal-laxkar tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi għall-Malasja u għalhekk iż-żieda fl-esportazzjonijiet tal-kumpannija lejn l-Unjoni fl-2010 ma kellha l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika fiż-żieda tal-miżuri antidumping imposti kontra r-RPĊ. Bħala tweġiba għal dan l-argument kien ikkunsidrat li filwaqt li l-laxkar tar-regoli tas-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi seta’ kkontribwixxa għall-motivazzjoni tal-kumpannija biex tesporta lejn l-Unjoni, dan ma jikkontradixxix il-konklużjoni li l-kumpannija bdiet l-operat tagħha wara li ġew miżjuda d-dazji antidumping kontra r-RPĊ u li hi kienet iġġib il-komponenti prinċipalment mir-RPĊ (ara l-premessa (73)). Għalhekk, l-argument tal-parti ġie miċħud.

(140)

l-istess kumpannija ddikjarat ukoll li d-data rrappurtata dwar il-valuri tal-komponenti tal-biċikletti mixtrija u kkunsmati ma kenitx debitament ivverifikata għaliex ma saret l-ebda distinzjoni bejn komponenti mixtrija u kkunsmati. F’dan ir-rigward huwa nnutat li abbażi taċ-ċifri rappurtati mill-kumpannija, il-valuri tal-komponenti mixtrija u kkunsmati nstab li kienu identiċi. Barra minn hekk, il-figuri rrappurtati tal-komponenti mixtrija fl-2011 kien jikkorrispondi mal-valur tal-komponenti kkunsmati rrappurtat fir-rapport annwali tal-kumpannija għall-2011. Iċ-ċifri li jikkonċernaw komponenti mixtrija u kkunsmati rrappurtati għall-PR u l-2010 ġew aċċettati kif iddikjarat mill-kumpannija. Għalhekk, l-argument ġie rrifjutat.

(141)

Il-kumpannija kkonċernata ssottomettiet aktar tqassim tal-ispejjeż għal kull mudell ta’ prodott fejn uriet l-allegata konformità tagħha mar-rekwiżit li l-komponenti miksuba mir-RPĊ ma jaqbżux is-60 % tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott immuntat. Din l-informazzjoni kkontradixxiet it-tqassim tal-ispejjeż għal kull mudell miġbur u vverifikat għal mudelli magħżula fuq il-post li għalihom in-nuqqas tal-kumpannija li tikkonforma mal-limitu ta’ 60 % ġie kkonfermat. L-informazzjoni l-ġdida li tressqet mill-kumpannija f’dan ir-rigward ma kienet ikkonfermata mill-ebda evidenza u, essenzjalment, ikkontradixxiet informazzjoni vverifikata. Għal din ir-raġuni l-informazzjoni ġiet injorata.

(142)

Barra minn hekk, il-kumpannija sostniet li hija aġixxiet b’rieda tajba billi serrħet fuq il-konformità allegata tagħha mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1063/2010 (16) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini applikabbli. F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li l-għan tal-investigazzjoni kontra l-evażjoni mhuwiex li tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli tal-oriġini applikabbli. Din il-verifika ma twettqitx fil-kuntest tal-analiżi tal-investigazzjoni kurrenti ta’ kontra l-evażjoni u għalhekk l-allegata konformità mar-regoli tal-oriġini ma tistax tiġi kkonfermata f’dan il-każ. Għal dawn ir-raġunijiet, l-allegata konformità mar-regoli tal-oriġini f’dan il-każ ma teskludi bl-ebda mod il-possibbiltà ta’ evażjoni kif definita fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku (17). F’dan il-kuntest, l-argument huwa għalhekk miċħud.

(143)

Fl-aħħar nett, il-kumpannija sostniet li l-kalkolu tal-marġini tad-dumping kellha tkun imwettqa fuq il-bażi tad-data speċifika għall-kumpannija. Din it-talba ġiet aċċettata kif rifless fil-premessa (75) hawn fuq u l-kumpannija ġiet mgħarrfa b’dan.

(144)

Kumpannija mis-Sri Lanka qajmet dubju dwar ir-relevanza tad-dokumenti mitluba matul iż-żjara ta’ verifika u għalhekk argumentat li t-talba tagħha għal eżenzjoni ma għandhiex tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li d-dokumenti li juru l-oriġini tal-partijiet użati fl-armar tal-biċikletti esportati lejn l-Unjoni għandhom importanza sinifikanti għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2)(b). Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (37), id-data sottomessa mill-kumpannija ma kinitx verifikabbli. Barra minn hekk, il-kumpannija ammettiet fuq il-post li l-partijiet mixtrija mir-RPĊ fil-fatt ma kinux reġistrati fil-kontijiet tagħha u konsegwentement il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, ma setgħetx tkun determinata. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet huma miċħuda.

(145)

Kumpannija oħra mis-Sri Lanka sostniet li kieku kienet taf li l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni mis-Sri Lanka jistgħu jkunu suġġetti għad-dazju antidumping kif estiż għas-Sri Lanka sa mill-bidu tal-investigazzjoni, ma kenitx tirtira t-talba tagħha għal eżenzjoni. Madankollu, huwa enfasizzat li, fiż-żmien tal-irtirar tat-talba tagħha għal eżenzjoni, il-kumpannija hija kkunsidrata li taf bil-possibbiltà tal-applikazzjoni tad-dazju antidumping kif estiż mid-data tar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet mis-Sri Lanka lejn l-Unjoni, jiġifieri l-bidu tal-investigazzjoni ta’ kontra l-evażjoni. Il-kumpannija ġiet infurmata dwar din il-konsegwenza fi tliet każijiet, permezz tal-premessa (20) tar-Regolament tat-tnedija, matul seduta fil-bidu tal-investigazzjoni u matul iż-żjara fuq il-post. Għalhekk, il-pretensjoni ma setgħetx tiġi aċċettata.

(146)

Kumpannija oħra mis-Sri Lanka ssottomettiet informazzjoni ġdida li kellha tissottometti qabel iż-żjara ta’ verifika u minħabba l-istadju avvanzat tal-investigazzjoni dik l-informazzjoni ma kenitx għadha tista’ tiġi vverifikata. Barra minn hekk, il-kumpannija argumentat li kienet ippreżentat l-informazzjoni kollha meħtieġa.

(147)

Kif imsemmi fil-premessi (39) u (40) il-kumpannija ma ppreżentatx l-informazzjoni kollha mitluba sabiex tiġi verifikata fuq il-post. B’mod partikolari, il-valur tax-xiri tal-komponenti kif irrappurtat mill-kumpannija nstab li ma kienx affidabbli. Bħala riżultat, il-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, ma setgħetx tiġi ddeterminata.

(148)

Barra minn hekk, il-kumpannija qalet li kien hemm irregolaritajiet li jikkonċernaw iż-żjara fuq il-post, fir-rigward tat-tul tagħha u kwistjonijiet ta’ lingwa. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-kumpannija kienet imwaqqaf riċentament u għalhekk kien skedat jum wieħed biss ta’ verifika. Il-verifika twettqet matul jum wieħed sħiħ tax-xogħol. Fi tmiem il-verifika, il-kumpannija ma talbitx sabiex tissottometti l-ebda informazzjoni addizzjonali li ma kinitx kapaċi tipprovdi matul il-verifika.

(149)

Barra minn hekk, qabel il-verifika fuq il-post il-kumpannija kienet informata li l-verifika ser issir bl-Ingliż u l-parti ma qajmet l-ebda oġġezzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet akkumpanjata minn interpretu waqt il-verifika fuq il-post biex jiffaċilita problemi ta’ komunikazzjoni tal-lingwa, jekk ikun hemm. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li l-parti l-kbira tad-dokumenti ppreżentati mill-kumpannija matul iż-żjara ta’ verifika kienu fil-fatt bl-Ingliż, inklużi d-dokumenti relatati mal-kontabilità.

(150)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-pretensjonijiet kollha tal-kumpannija huma miċħuda.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fid-dawl tal-iskop ta’ dan ir-Regolament, id-dazju antidumping definittiv applikabbli fuq “il-kumpanniji l-oħra kollha” impost permezz tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda bl-esklużjoni tal-uniċikletti), mhux motorizzati li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet ta’ biċikletti u ċikletti oħra (inklużi triċikletti tal-kunsinna, iżda bl-esklużjoni tal-uniċikletti), mhux motorizzati, mibgħuta mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kemm jekk le, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċi TARIC 8712003010 u 8712007091) bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti mill-kumpanniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpannija

Kodiċi addizzjonali TARIC

L-Indoneżja

P.T. Insera sena, 393 Jawa Street, Buduran, Sidoarjo 61252, Indonesia

B765

 

PT Wijaya Indonesia Makmur Bicycle Industries (Wim Cycle), Raya Bambe KM. 20, Driyorejo, Gresik 61177, Jawa Timur Indonesia

B766

 

P.T. Terang Dunia Internusa, (United Bike), Jl. Anggrek Neli Murni 114 Slipi, 11480, Jakarta Barat, Indonesia

B767

Is-Sri Lanka

Asiabike Industrial Limited, No 114, Galle Road, Henamulla, Panadura, Sri Lanka

B768

 

BSH Ventures (Private) Limited, No. 84, Campbell Place, Colombo-10, Sri Lanka

B769

 

Samson Bikes (Pvt) Ltd., No 110, Kumaran Rathnam Road, Colombo 02, Sri Lanka

B770

It-Tuneżija

Euro Cycles SA, Zone Industrielle Kelaa Kebira, 4060, Sousse, Tunisia

B771

2.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpanniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta, mal-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri, ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata, jiġi applikat id-dazju antidumping kif impost mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq importazzjonijiet ikkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 875/2012 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn kumpanniji elenkati fil-paragrafu 1.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   It-talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 08/20

1049 Brussels

Belgium

Fax (32 2) 295 65 05

2.   F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpanniji li ma jevadux il-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011, mid-dazju estiż mill-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbiliti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 875/2012.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BRUTON


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(4)  ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(5)  ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39.

(6)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2.

(8)  ĠU C 71, 9.3.2012, p. 10.

(9)  Ara paġna 17 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(10)  ĠU C 122, 27.4.2012, p. 9.

(11)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(12)  ĠU C 346, 14.11.2012, p. 7.

(13)  ĠU L 136, 23.5.2013, p. 15.

(14)  ĠU L 258, 26.9.2012, p. 21.

(15)  Comext hija bażi tad-data dwar il-kummerċ barrani ġestita mill-Eurostat.

(16)  ĠU L 307, 23.11.2010, p. 1.

(17)  Ara wkoll il-każijiet preċedenti, eż. il-premessa (48) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 388/2008 (ĠU L 117, 1.5.2008. p. 1).


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2):

(1)

L-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali;

(2)

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ (prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpannija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif mogħti f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett”;

(3)

Data u firma.


5.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 153/17


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 502/2013

tad-29 ta’ Mejju 2013

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 11(3), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament (KEE) Nru 2474/93 (2), il-Kunsill impona dazju tal-antidumping definittiv ta’ 30,6 % fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż konċernat”) (l-“investigazzjoni oriġinali”). Wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, dan id-dazju ġie estiż permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/97 (3) għall-importazzjonijiet ta’ ċertu komponenti tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ. Barra minn hekk ġie deċiż li tinħoloq “skema ta’ eżenzjoni” abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Id-dettalji tal-iskema kienu previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 88/97 (4). Biex jirċievu eżenzjoni mid-dazju estiż il-produtturi tar-roti fl-Unjoni jridu jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri jirrispettaw proporzjon ta’ anqas minn 60 % komponenti tar-roti Ċiniżi fl-operat tagħhom jew iż-żieda ta’ valur ta’ aktar minn 25 % għall-komponenti kollha użati fl-operat. Sa issa ngħataw aktar minn 250 eżenzjoni.

(2)

Wara t-twettiq ta’ rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1524/2000 (5), iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu.

(3)

Wara t-twettiq ta’ rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (“li jemenda r-rieżami interim”), il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1095/2005 (6), iddeċieda li jżid id-dazju tal-antidumping fis-seħħ għal 48,5 %.

(4)

Wara rieżami tal-miżuri kontra ċ-ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(4) u 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 171/2008 (7), iddeċida li jżomm l-estensjoni tad-dazju tal-antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw fir-RPĊ għall-importazzjonijiet ta’ ċertu komponenti tar-roti mir-RPĊ.

(5)

Wara t-twettiq ta’ rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 (8) (l-“investigazzjoni preċedenti”), iddeċieda li l-miżuri msemmija hawn fuq għandhom jinżammu.

2.   Ftuħ ta’ investigazzjoni ex-officio

(6)

Wara r-rieżami tal-iskadenza li sar f’Ottubru 2011, il-Kummissjoni kellha evidenza li indikat li, sa fejn huma konċernati d-dumping u l-ħsara, iċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri eżistenti setgħu nbidlu u li dawn il-bidliet jistgħu jkunu ta’ natura dewwiema.

(7)

L-evidenza prima facie li għandha l-Kummissjoni indikat li s-sistema tal-kwoti tal-esportazzjoni li tapplika għall-produtturi tar-roti fir-RPĊ, u li kienet ta’ ostaklu għall-produtturi esportaturi biex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq fir-rieżami interim ta’ emenda, ġiet abolita f’Jannar 2011.

(8)

Barra minn hekk, saru bidliet sinifikanti fl-istruttura tal-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, bosta produtturi tal-Unjoni għaddew miċ-ċiklu komplut ta’ produzzjoni għal operazzjonijiet ta’ immuntar (parzjali) bl-użu ta’ komponenti importati.

(9)

Barra minn hekk, minħabba t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea tal-2004 u l-2007, għadd sinifikanti ta’ produtturi ssieħbu fl-industrija tar-roti tal-Unjoni. Barra minn hekk, bosta produtturi li kienu parti mill-industrija tal-Unjoni qabel iż-żewġ rawnds ta’ tkabbir ċaqilqu l-faċilitajiet ta’ produzzjoni tagħhom jew stabbilixxew faċilitajiet ġodda fl-Istati Membri l-ġodda. B’riżultat ta’ dan, il-livell tal-kost tal-industrija tal-Unjoni seta’ nbidel.

(10)

Fl-aħħar nett, il-livell attwali tal-eliminazzjoni tal-ħsara ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ roti magħmulin mill-azzar, filwaqt li jidher li bħalissal-maġġoranza tar-roti huma magħmula minn ligi tal-aluminju.

(11)

Dawn l-iżviluppi kollha jidhru li huma ta’ natura dewwiema u għalhekk jiġġustifikaw il-ħtieġa ta’ rivalutazzjoni tas-sejbiet dwar il-ħsara u d-dumping.

(12)

Barra minn hekk, l-għadd ta’ kumpanniji li jibbenefikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni qed jikber malajr, u l-iskema qatt ma ġiet adattata minn meta ddaħlet fl-1997. B’żieda ma’ dan, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-importazzjonijiet tal-komponenti li huma eżentati mill-miżuri tal-antidumping saret kumplessa ħafna u tinvolvi ħafna xogħol, u dan jista’ jaffettwa ħażin l-effikaċja tagħha.

(13)

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie għall-ftuħ ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ notifika (“Avviż ta’ ftuħ”) (9), pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Marzu 2012, il-bidu, fuq bażi ex officio, ta’ rieżami interim tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ.

3.   Investigazzjoni parallela ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni

(14)

Fil-25 ta’ Settembru 2012, permezz tar-Regolament (UE) Nru 875/2012 (10), il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri tal-antidumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-RPĊ minn importazzjonijiet kunsinjati mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għal reġistrazzjoni (“investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni ta’ miżuri”).

(15)

F’Mejju 2013, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (UE) Nru 501/2013 (11) (“Regolament ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni”), estenda l-miżuri tal-antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ għall-importazzjonijiet tar-roti kunsinjati mill-Indonesja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija u kemm jekk le, peress li dawn l-importazzjonijiet instabu li qed jiċċirkomvenzjonaw il-miżuri b’operazzjonijiet ta’ trasbord u/jew immuntar skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku.

4.   Investigazzjoni parallela kontra s-sussidji

(16)

Fis-27 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ħabbret, b’avviż pubblikat f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea  (12), il-ftuħ ta’ proċedura tal-antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti li joriġinaw mir-RPĊ (“investigazzjoni kontra s-sussidji”).

(17)

F’Novembru 2012, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ avviż pubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (13), li s-sejbiet fl-investigazzjoni ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni jistgħu jintużaw fl-investigazzjoni kontra s-sussidji msemmija fil-premessa (14) u (15).

(18)

F’Mejju 2013 il-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni (2013/227/UE) (14), temmet l-investigazzjoni kontra s-sussidji mingħajr ma imponiet miżuri.

5.   Partijiet konċernati mill-investigazzjoni

(19)

Il-Kummissjoni notifikat uffiċjalment lill-produtturi magħrufa tal-Unjoni, lill-assoċjazzjonijiet magħrufa tal-produtturi tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ u lil assoċjazzjoni tal-produtturi Ċiniżi, lir-rappreżentanti tal-pajjiż konċernat, lill-importaturi magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi, lill-produtturi magħrufa tal-komponenti tar-roti fl-Unjoni u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom u lil assoċjazzjoni magħrufa tal-utenti dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-Avviż tal-ftuħ.

(20)

Fid-dawl tal-għadd għoli ta’ produtturi esportaturi, produtturi tal-Unjoni u importaturi mhux relatati li kien jidher, fl-Avviż tal-ftuħ ġie previst it-teħid ta’ kampjun skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni hux se jkun meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel il-kampjuni, il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjoni magħrufa tagħhom, u l-produtturi kollha tal-Unjoni u l-importaturi mhux relatati kollha ntalbu jippreżentaw irwieħhom mal-Kummissjoni u jipprovdu, kif speċifikat fl-Avviż tal-ftuħ, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott konċernat matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2011.

(21)

Peress li r-rappreżentanti tal-pajjiż konċernat ma preżentawx ruħhom mal-ftuħ, il-Kummissjoni kuntattjat madwar 70 kumpannija Ċiniża diġà magħrufa mas-servizzi tal-Kummissjoni mill-investigazzjoni preċedenti. Fi stadju aktar tard, meta l-investigazzjoni kontra s-sussidji msemmija fil-premessa (16) kienet bdiet, il-Kummissjoni identifikat madwar 300 produttur esportatur addizzjonali Ċiniżi li wkoll ġew ikkuntattjati fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami interim.

(22)

Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinkiseb kooperazzjoni, tmien gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi biss preżentaw irwieħhom, li minnhom erbgħa biss rappurtaw l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“PIR”), definiti fil-premessa (37) aktar ‘l isfel, li jirrappreżentaw inqas minn 4 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ ta’ roti matul il-PIR.

(23)

Abbażi ta’ dak ta’ hawn fuq ġie deċiż li t-teħid tal-kampjuni ma kienx meħtieġ għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(24)

Kif imsemmi fil-premessi (63) sa (64) u (131) hawn taħt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kienet iġġustifikata għal grupp esportatur Ċiniżi wieħed, Giant China. Konsegwentement, il-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi kompliet tonqos anki aktar.

(25)

Kif spjegat fil-premessi (32) sa (35) hawn taħt, intgħażel kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni.

(26)

Kif spjegat fil-premessa (36) iktar ‘l isfel, ġie deċiż li t-teħid ta’ kampjun ma kienx meħtieġ għall-importaturi mhux relatati.

(27)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa li huma konċernati u lill-partijiet l-oħra kollha li talbu dan sal-iskadenzi stabbiliti fl-Avviż tal-ftuħ, jiġifieri produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, il-produtturi esportaturi li kooperaw fir-RPĊ, importaturi mhux relatati li preżentaw irwieħhom kif deskritt fil-premessa (36) iktar ‘l isfel u lill-produtturi magħrufa tal-komponenti tar-roti fl-Unjoni.

(28)

It-tweġibiet għall-kwestjonarji u sottomissjonijiet oħra waslu mingħand erba’ gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u mir-rappreżentant tagħhom, mit-tmien produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, minn assoċjazzjoni waħda tal-utenti u tmien assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni, 53 produttur tal-komponenti tar-roti u assoċjazzjoni waħda tal-produtturi tal-komponenti tar-roti. Ħadd mill-importaturi mhux relatati kkuntattjati ma ressaq tweġiba għall-kwestjonarju.

(29)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa gћad-determinazzjoni tad-dumping, tal-ħsara li rriżultat, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni u wettqet verifiki fuq il-post fil-kumpanniji li ġejjin:

(a)

Produtturi tar-roti fl-Unjoni

Accell Hunland, l-Ungerija

Decathlon RGVS, il-Portugall

Denver srl, l-Italja

SC Eurosport DHS, ir-Rumanija

Koninklijke Gazelle, Il-Pajjiżi l-Baxxi

Maxcom Ltd, il-Bulgarija

MIFA, il-Ġermanja

Sprick Rowery, il-Polonja

(b)

Produtturi tal-komponenti tar-roti fl-Unjoni

Chimsport, ir-Rumanija

Telai Olagnero, l-Italja

(c)

Produtturi esportaturi fir-RPĊ

Ideal (Dong Guan) Bike Co.,

Oyama Bicycles (Taicang) Co.,

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co.,

(30)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jigi stabbilit valur normali għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ li jista’ jkun li ma jingħatawx TES, saret żjara ta’ verifika biex jiġi stabbilit il-valur normali abbażi ta’ data minn pajjiż analogu, fil-post tal-kumpanniji li ġejjin:

Distribuidora de Bicicletas Benotto, S.A. DE C.V., Mexico City, il-Messiku,

Bicicletas Magistroni, Mexico City, il-Messiku,

Bicicletas Mercurio SA DE CV, San Luis Potosi, il-Messiku.

(31)

Wara l-iżvelar tal-fatti u tal-konsiderazzjonijiet essenzjali (“l-iżvelar”) xi partijiet argumentaw li ma ngħatax perijodu adegwat lill-partijiet biex jikkummentaw. F’dan ir-rigward huwa nnutat li l-partijiet ingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku. L-argument għalhekk ġie miċħud.

6.   Teħid ta’ kampjun tal-Produtturi tal-Unjoni

(32)

Fl-Avviż ta’ ftuħ, il-Kummissjoni ħabbret li kienet għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi mill-Unjoni. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tmien kumpanniji, minn total ta’ iktar minn 380 produttur mill-Unjoni li kienu magħrufa qabel ma nfetħet l-investigazzjoni, magħżula b’mod partikolari fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni u bejgħ li jista’ jiġi raġonevolment investigat fiż-żmien disponibbli filwaqt li titqies il-firxa ġeografika. Il-kampjun kopra l-akbar pajjiżi produtturi klassifikati skont il-volumi tal-produzzjoni. Għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, il-kumpanniji inklużi fil-kampjun kienu fost l-akbar produtturi rappreżentattivi li kooperaw. Il-kampjun kopra wkoll entitajiet mill-akbar gruppi li kooperaw. F’dan il-każ ingħatat attenzjoni partikolari għal teħid ta’ kampjuni minn għadd ugwali ta’ kumpanniji mill-Istati Membri l-antiki u l-ġodda.

(33)

Il-kampjun rappreżenta aktar minn 25 % tat-total estimat tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-Unjoni matul il-PIR. Il-partijiet interessati kienu mistiedna jikkonsultaw il-fajl u jikkummentaw dwar l-idonietà ta’ din l-għażla fi żmien 15-il ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni tal-Avviż tal-ftuħ. Il-partijiet interessati kollha, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

(34)

Ċerti partijiet interessati qajmu oġġezzjonijiet dwar it-teħid tal-kampjun tal-produtturi mill-Unjoni. Huma argumentaw li: (i) il-kampjun proviżorju inkluda biss ċerti entitajiet ġuridiċi li jappartjenu għal gruppi ta’ kumpanniji relatati aktar milli l-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-entità ekonomika sħiħa li tipproduċi l-prodott inkwistjoni; u (ii) il-proposta inkludiet kumpannija li riċentament kienet qed topera b’telf, filwaqt li l-produtturi tal-Unjoni kienu sejrin tajjeb matul dak il-perijodu. Barra minn dan,ġie affermat li dan it-telf ma kienx marbut mal-prodott konċernat.

(35)

Dawn l-argumenti ma ġewx aċċettati fuq il-bażi li ġejja: (i)L-entitajiet li jagħmlu parti minn gruppi akbar li nstabu li kienu joperaw indipendentement minn sussidjarji oħra tal-istess grupp tqiesu bħala rappreżentattivi tal-industrija tal-Unjoni u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġi investigat il-grupp kollu fuq bażi konsolidata. (ii) Il-parti interessata konċernata ma ssostanzjatx l-argument tagħha li l-kumpannija magħżula fil-kampjun u li allegatament kellha telf fil-fatt ma kinitx rappreżentattiva tal-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, filwaqt li l-kampjun magħżul għandu jkun rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni, il-kumpanniji magħżula ma għandhomx bżonn ikunu bilfors omoġenji. L-argument ta’ din il-parti għalhekk kellu jiġi miċħud.

7.   Teħid tal-kampjun tal-Importaturi Mhux Relatati

(36)

It-teħid tal-kampjun tal-importaturi mhux relatati wkoll kien previst fl-Avviż tal-Ftuħ. L-importaturi mhux relatati magħrufa kollha ġew ikkuntattjati mal-ftuħ. Minħabba l-għadd żgħir ta’ tweġibiet li waslu fil-qafas tal-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni, ma ntgħażilx kampjun. L-importaturi mhux relatati kollha li ppreżentaw irwieħhom ġew mistiedna jikkooperaw u rċievew kwestjonarju. Ħadd mill-importaturi mhux relatati ma provda tweġiba għall-kwestjonarju, u lanqas ma kooperaw aktar fl-investigazzjoni attwali.

8.   Perijodu ta’ investigazzjoni

(37)

L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2011 (“perijodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet fil-kuntest tal-analiżi tal-ħsara kopra l-perijodu bejn Jannar 2008 sa tmiem il-PIR (il-“perijodu kunsidrat”).

B.   PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Prodott konċernat

(38)

Il-prodott suġġett ta’ din l-investigazzjoni ta’ rieżami huwa r-roti u roti oħra (inklużi t-triċikli għall-ġarr tal-prodotti iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati (il-“prodott rieżaminat”) li joriġina mir-RPĊ, li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70

(39)

Bħal fl-investigazzjoni preċedenti, ir-roti ġew ikklassifikati fil-kategoriji li ġejjin:

(A) ATB (al-terrain bicycles - roti għal kull tip ta’ art inklużi roti tal-muntanja 24″ jew 26″),

(B) roti tat-trekking/tal-bliet/ibridi/VTC/touring 26″ jew 28″,

(C) roti tal-azzjoni tat-tfal (BMX) u tat-tfal 16″ jew 20″,

(D) roti/ċikletti oħra (esklużi uniċikli).

(40)

Kull tip ta’ rota kif definit hawn fuq għandha l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi. Barra minn hekk, jinbiegħu permezz ta’ kanali simili bħal bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati, ktajjen ta’ ħwienet tal-isport u negozjanti bil-massa fis-suq tal-Unjoni. Billi l-applikazzjoni bażika u l-użu tar-roti huma identiċi, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma interskambjabbli u għaldaqstant mudelli minn kategoriji differenti jikkompetu ma’ xulxin. Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-kategoriji kollha jifformaw prodott wieħed uniku.

(41)

Parti waħda argumentat li t-tipi differenti ta’ roti għandhom karatteristiċi u użi maħsuba differenti b’mod sinifikanti kif ukoll prezzijiet sinifikament differenti, filwaqt li mill-perspettiva tal-konsumaturi dawn it-tipi differenti ta’ roti mhumiex interskambjabbli. Barra minn hekk, kien argumentat li r-roti tal-azzar u tal-aluminju mhumiex ikkunsidrati bħala interskambjabbli u li l-prezzijiet tagħhom huma differenti wkoll.

(42)

Biex issostni l-argument tagħha, il-parti sottomettiet studju dwar il-karatteristiċi u l-użi bażiċi fiżiċi u tekniċi ta’ ħames tipi differenti ta’ prodotti kif ukoll l-interskambjabbiltà tagħhom. Għandu jiġi nnutat li l-istudju ngħad li kien ibbażat fuq it-tweġibiet ta’ 36 individvu, madankollu mhuwiex ċar kif intgħażlu r-rispondenti. Jidher ukoll li kien imħejji speċifikatament għal din l-investigazzjoni. L-istudju ma jinkludi l-ebda data kwantifikabbli. Ta’ min jinnota li l-kontenut ta’ dan l-istudju apparentement huwa bbażat fuq stqarrijiet ta’ konsumaturi u/jew produtturi tar-roti minflok fuq evidenza verifikabbli. Għalhekk, ir-rappreżentattività tar-riżultati ta’ dan l-istudju hija dubjuża.

(43)

Il-parti ma ġabitx aktar evidenza biex issostni l-argument tagħha.

(44)

L-investigazzjonijiet ikkonfermaw li t-tipi kollha ta’ roti kif definiti hawn fuq għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi. B’mod partikolari, instab li l-użu ta’ materja prima differenti ma kellux impatt fuq il-karatteristiċi bażiċi ta’ rota. Għalkemm l-azzar u l-aluminju għandhom xi karatteristiċi tekniċi differenti bħall-piż, il-karatteristiċi bażiċi tar-roti magħmula mill-azzar u l-aluminju jibqgħu simili.

(45)

Bl-istess mod, ma kien hemm l-ebda evidenza speċifika mogħtija mill-parti li roti magħmula mill-azzar fuq naħa u dawk magħmula mill-aluminju min-naħa l-oħra kellhom fil-fatt karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi differenti.

(46)

Rigward l-applikazzjoni speċifika, l-użu u l-perċezzjoni tal-konsumaturi, l-investigazzjoni attwali konfermat li r-roti kollha għandhom l-istess l-applikazzjonijiet bażiċi u essenzjalment iwettqu l-istess funzjoni. Filwaqt li huwa minnu li l-kategoriji differenti huma fil-prinċipju maħsuba biex jissodisfaw rekwiżiti ta’ utenti finali differenti, l-utenti finali regolarment jużaw rota ta’ kategorija partikolari għal varjetà ta’ użi.

(47)

Għalhekk ma hemm l-ebda linja ċara li taqsamhom ibbażata fuq l-użu tal-utenti finali u fuq il-perċezzjoni tal-konsumaturi tal-kategoriji differenti.

(48)

Barra minn hekk, il-produtturi tal-Unjoni nfushom ta’ spiss ma jagħmlux distinzjoni bejn ir-roti klassifikati f’kategoriji differenti fir-rigward tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-kontabbiltà. Fil-fatt, ta’ sikwit ikollhom proċessi ta’ produzzjoni simili għall-kategoriji kollha ta’ roti.

(49)

Barra minn hekk, ir-roti ta’ kategoriji varji jinbiegħu permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni simili, bħal bejjiegħa bl-imnut speċjalizzati, ktajjen ta’ ħwienet tal-isport u negozjanti bil-massa fis-suq tal-Unjoni.

(50)

Fuq din il-bażi, ġie konkluż li l-kategoriji kollha jifformaw prodott wieħed uniku.

(51)

Parti waħda qajmet il-punt li l-investigazzjoni attwali tkopri żewġ kodiċijiet NM kif iddikjarat fil-premessa (38) filwaqt li fl-investigazzjoni preċedenti, kif iddikjarat fil-premessa (5) kopriet tliet kodiċijiet NM jiġifieri ex 8712 00 10, 8712 00 30 u ex 8712 00 80. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li t-tibdil tal-kodiċijiet sar minħabba emendi fin-Nomenklatura Magħquda imposti mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 li daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012 (15).

(52)

F’dan il-kuntest, il-parti argumentat li r-roti mingħajr bolberings ma għandhomx jitqiesu bħala prodott uniku mar-roti bil-bolberings. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li r-roti bil-bolberings u r-roti mingħajr bolberings jikkondividu l-istess karatteristiċi tekniċi u użi. Barra minn hekk, il-parti ma ssostanzjat l-argument tagħha bl-ebda evidenza ta’ sostenn u għalhekk, l-argument ġie rrifjutat.

(53)

Barra minn dan, il-parti argumentat li hemm differenza sinifikanti fil-prezzijiet medji tal-importazzjoni kif irreġistrat fl-Eurostat bejn iż-żewġ kodiċijiet NM li jkopru l-prodott konċernat. F’dan ir-rigward, huwa enfasizzat li, kif iddikjarat fil-premessa (157) aktar ‘l isfel, minħabba taħlita ta’ prodotti l-prezz medju kif irreġistrat fl-Eurostat jista’ iservi biss ta’ indikatur tax-xejriet tal-prezzijiet, iżda mhuwiex utli meta jitqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ bejn diversi pajjiżi u l-Unjoni.

(54)

Wara l-iżvelar waħda mill-partijiet tenniet l-argument tagħha li t-tipi differenti ta’ roti koperti mill-ambitu ta’ din l-investigazzjoni mhumiex prodotti simili u argumentat li kienet ippreżenta evidenza pożittiva b’sostenn tad-differenzi fil-materja prima, il-karatteristiċi fiżiċi, il-karatteristiċi teknoloġiċi u l-użi aħħarin li allegatament jeżistu fost id-diversi tip ta’ roti.

(55)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-evidenza pożittiva li l-parti qalet li kienet issottomettiet fil-fatt hija l-istudju vvalutat mill-Kummissjoni fil-premessa (42). Wara l-valutazzjoni dovuta, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rappreżentattività tar-riżultati ta’ dan l-istudju kienet dubjuża għar-raġunijiet imsemmija fil-premessa (42).

(56)

Il-partijiet qalu li r-roti tat-tfal definiti mill-parti bħala roti bid-daqs tar-rota ta’ anqas minn, u inkluż, 16-il pulzier għandhom jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni. Dawn l-argumenti kienu bbażati fuq is-suppożizzjoni, b’mod partikolari, li t-tul taż-żmien tal-użi u s-sempliċità fil-karatteristiċi jiddividu b’mod ċar lil dawn ir-roti minn tipi oħra ta’ roti li jaqgħu fl-ambitu tal-investigazzjoni attwali.

(57)

Madankollu, dawn l-argumenti tqiesu mhux biżżejjed biex jeskludu roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi, 16-il pulzier mid-definizzjoni tal-prodott konċernat minħabba li ma kinux issostanzjati b’biżżejjed evidenza li turi li f’din l-investigazzjoni tista’ tinġibed linja ċara li tifred ir-roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi, 16-il pulzier u tipi ta’ roti oħra fl-ambitu tal-investigazzjoni. Fil-fatt, instab bil-kontra li l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali tar-roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi, 16-il pulzier kienu l-istess bħal dawk tal-prodott konċernat - vettura potenzjata mill-bniedem, misjuqa bil-pedali li jkollha aktar minn rota waħda mehmuża mal-qafas — kienu ferm aktar importanti minn kwalunkwe differenza (jiġifieri essenzjalment id-daqs tar-rota). Barra minn hekk, deher li l-produzzjoni, il-kanali tal-bejgħ u s-servizz għall-konsumatur ma kinux fundamentalment differenti minn tipi ta’ roti oħra fl-investigazzjoni. Il-fatt biss li r-roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi, 16-il pulzier jifformaw sottogrupp distint tal-prodott fl-ambitu tal-prodott konċernat ma jiġġustifikax l-esklużjoni mill-ambitu tal-prodott. Tabilħaqq, instab li ma hemmx linja ċara li tifred ir-roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi 16-il pulzier u l-prodott konċernat, imma li, bil-maqlub, hemm koinċidenza kbira fir-rigward tad-definizzjoni tal-prodott konċernat, notevolment li huma vetturi potenzjati mill-bniedem, misjuqa bil-pedali li għandhom aktar minn rota waħda u essenzjalment użati għat-trasport u l-isport. F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni żvelat li wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw kien fil-fatt qed jesporta lejn l-Unjoni roti bid-daqs tar-rota ta’ 12-il pulzier li ma tqisux neċessarjament roti għat-tfal iżda li kienu fil-fatt roti jingħalqu użati mill-adulti li għalihom il-ħażna kienet karatteristika importanti tar-roti.

(58)

Għalhekk it-talba biex ir-roti bid-daqs tar-rota ta’ inqas minn, u inklużi, 16-il pulzier jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott ta’ din l-investigazzjoni hija miċħuda.

2.   Prodott simili

(59)

Ir-roti prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, dawk prodotti u mibjugħa fis-suq tal-pajjiż analogu u dawk importati fis-suq tal-Unjoni u li joriġinaw mir-RPĊ għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użi u huma għalhekk meqjusal-istess skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq

1.1.   Valutazzjoni tat-TES

(60)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet tal-antidumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu msemmi għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Fil-qosor u għall-faċilità ta’ referenza biss, dawn il-kriterji ġew stabbiliti f’forma mqassra hawn taħt:

Id-deċiżjonijiet kummerċjali jsiru b’reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat, u l-kostijiet jirriflettu l-valuri tas-suq;

L-intrapriżi jkollhom sett wieћed ċar ta’ rekords bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu awditjati b’mod indipendenti skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà (IAS) u li huma applikati gћall-iskopijiet kollha;

Ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li ntirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq;

Il-liġijiet dwar il-Falliment u l-Proprjetà jiżguraw l-istabbiltà u ċ-ċertezza ġuridika; kif ukoll

Il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(61)

Fl-investigazzjoni attwali, il-gruppi esportaturi kollha li inizjalment kooperaw fl-investigazzjoni talbu TES skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u wieġbu għall-formola tat-talba tat-TES sal-iskadenzi mogħtija.

(62)

Għall-gruppi esportaturi kollha li inizjalment kooperaw mal-investigazzjoni, il-Kummissjoni fittxet l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa u vverifikat l-informazzjoni li tressqet fit-talba għat-TES fil-bini tal-gruppi konċernati.

(63)

It-tweġiba ta’ grupp wieħed, Giant China, tqieset li kellha nuqqas sinifikanti peress li ma kinitx tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-istruttura tal-grupp, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tikseb l-informazzjoni meħtieġa mill-grupp.

(64)

Kif meħtieġ mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, Giant China ġie infurmat dwar il-probabbiltà tal-applikazzjoni tal-fatti disponibbli dwaru u ġie mistieden jikkummenta. Peress li Giant China, madankollu, irrifjuta li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa, ġie applikat l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku u t-talba għal TES ġiet irrifjutata.

(65)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni żvelat li t-TES ma seta’ jingħata lill-ebda grupp ta’ kumpanniji Ċiniżi billi ħadd minnhom ma ssodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, għar-raġunijiet li ġejjin:

Kriterju 1

(66)

L-ebda grupp ta’ esportaturi li koopera ma seta’ juri li jissodisfa l-Kriterju 1 minħabba l-interferenza tal-Istat fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-materja prima prinċipali (azzar u aluminju). L-ispiża tal-azzar u l-aluminju għall-gruppi tal-esportaturi li kooperaw tirrappreżenta tal-inqas madwar 20 % sa 25 % tal-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott konċernat. Ħafna kumpanniji huma kompletament integrati vertikalment, li jfisser li jixtru lingotti tal-aluminju jew tal-azzar biex jipproduċi tubi li mbagħad jintużaw biex jipproduċu frejms/frieket u finalment ir-roti.

(67)

L-investigazzjoni wriet li t-tliet gruppi ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw akkwistaw l-azzar u l-aluminju użat għall-produzzjoni tal-prodott konċernat mis-suq domestiku Ċiniż.

(68)

Il-prezzijiet huma bbażati fuq il-kwotazzjoni tal-aluminju fis-suq tal-Kambju tal-Metalli mhux ferrużi ta’ Shanghai kontrollat mill-Istat (“il-Kambju” jew “SHFE”). L-SHFE huwa kambju miftuħ biss għall-kumpanniji reġistrati fiċ-Ċina u għaċ-ċittadini Ċiniżi u huwa kkontrollat mill-Kummissjoni Regolatorja tat-Titoli tal-Istat. Diversi regoli li jirregolaw il-funzjonament tal-Kambju jikkontribwixxu għall-volatilità u prezzijiet baxxi li ma jirriflettux il-valur fis-suq fis-SHFE: il-varjazzjonijiet ta’ kuljum fil-prezzijiet huma limitati għal 4 % fuq jew taħt il-prezz tas-saldu tal-jum ta’ negozju preċedenti, in-negozjar iseħħ fi frekwenza baxxa (sal-15-il jum ta’ kull xahar), il-kuntratti tal-futuri huma limitati għal tul ta’ żmien sa 12-il xahar, u jiġu imposti tariffi tat-tranżazzjonijiet kemm mill-Kambju kif ukoll mis-sensara.

(69)

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-SHFE, il-konsenja fiżika tista’ ssir biss f’maħżen approvat fir-RPĊ, mhux kif isir fil-kambji internazzjonali, fejn il-konsenja tista’ ssir mad-dinja kollha. Barra minn hekk, peress li l-SHFE huwa pjattaforma għal skambji fiżiċi biss (ma jinbiegħux derivattivi), dan jiżola kompletament is-suq tal-aluminju Ċiniż. Bħala konsegwenza, l-arbitraġġ mal-punt ta’ referenza dinji, il-London Metals Exchange (“LME”) jew swieq oħra huwa prattikament impossibbli u l-kambju jiffunzjona f’iżolament minn swieq oħra madwar id-dinja. Għalhekk, ma jistax isir arbitraġġ bejn dawn is-swieq. Matul il-PIR il-prezzijiet primarji tal-aluminju kienu madwar 7 % inqas fl-SHFE (eskluża l-VAT) meta mqabbla mal-LME (wkoll eskluża l-VAT), imqabbla fuq bażi ta’ prezz spot.

(70)

L-Istat jinterferixxi wkoll fil-mekkaniżmi tal-iffissar tal-prezzijiet fl-SHFE peress li huwa kemm bejjiegħ kif ukoll xerrej, permezz tal-Uffiċċju tar-Riżerva tal-Istat u Korpi Statali oħrajn, tal-aluminju primarju. Barra minn hekk, l-Istat jiffissal-limiti tal-prezzijiet ta’ kuljum permezz tar-regoli tal-SHFE li ġew approvati mir-Regolatur tal-Istat, il-Kummissjoni Regolatorja tat-Titoli taċ-Ċina (is-“CSRC”).

(71)

Ir-RPĊ tgħin l-ipproċessar ta’ prodotti tal-aluminju billi tagħti rifużjoni parzjali tal-VAT fuq l-esportazzjoni ta’ ħafna prodotti tal-aluminju (għar-roti, ir-rata hija ta’ 15 %); fil-każ ta’ esportazzjonijiet ta’ aluminju primarju minflok, ma hemmx rifużjoni. Dan huwa inċentiv għall-industrija Ċiniża biex tkompli tipproċessa aluminju ulterjorment u għandu impatt dirett fuq id-disponibbiltà u l-prezz tal-aluminju primarju fis-suq domestiku. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-aluminju primarju għall-esportazzjoni huwa suġġett għal 17 % taxxa, filwaqt li ebda taxxa ta’ esportazzjoni mhi applikata fuq l-esportazzjonijiet tar-roti. Dan isaħħaħ is-sejba ta’ interferenza mill-Istat Ċiniż fis-suq domestiku ta’ aluminju. Dawn l-għodod għandhom impatt ‘l isfel fuq il-prezzijiet domestiċi li jinkoraġġixxi lill-industrija domestika timmanifattura oġġetti lesti li jinkorporaw aluminju (bħalma huwa l-prodott konċernat) kemm għas-suq domestiku kif ukoll għall-esportazzjoni.

(72)

Distorsjoni ulterjuri mill-Istat Ċiniż issir fil-forma ta’ interventi fis-suq mill-Uffiċċju tar-Riżerva tal-Istat (“SRB”) li huwa parti mill-Kummissjoni tar-Riforma tal-Iżvilupp Nazzjonali (“NDRC”). Fi tmiem l-2008 u fil-bidu tal-2009 l-SRB beda jixtri stokkijiet ta’ aluminju primarju mingħand il-funderiji tal-aluminju Ċiniżi, sabiex jistimula l-prezz tal-komodità. Il-SRB biegħ l-aluminju primarju lura fis-suq, bħal kif għamel fil-bidu ta’ Novembru 2010 kif rappurtat minn Bloomberg (16). L-Aġenzija tal-Aħbarijiet Xinhua rapportat il-miżuri tal-istokkjar f’Diċembru 2008, u spjegat li kien ippjanat li jiġu akkumulati 300 000 tunnellata aluminju bi prezzijiet li kienu 10 % ogħla mill-prezz tas-suq f’miżura mfassla biex togħlli l-prezzijiet (17). Il-pjan ta’ stokkjar tal-SRB involva x-xiri mingħand diversi funderiji Ċiniżi għalkemm madwar nofs l-ammont inxtara mingħand Aluminium Corporation of China Ltd. Dan juri kif l-Istat Ċiniż għandu rwol primarju fl-iffissar tal-prezzijiet tal-aluminju primarju u li jinterferixxi fis-suq.

(73)

Il-fatt li l-interferenza sinifikanti mill-Istat, kif deskritt hawn fuq, hija mmirata biċ-ċar, huwa fost l-oħrajn evidenzjat mit-12-il Pjan ta’ Żvilupp ta’ 5 Snin għall-Aluminju (2011-2015) li permezz tiegħu l-Gvern tar-RPĊ jistqarr espliċitament l-intenzjoni tiegħu li “jaġġusta t-taxxa u r-ribassi fuq it-taxxi tal-esportazzjoni u ingranaġġi ekonomiċi oħrajn, u jikkontrolla strettament l-ammont totali ta’ espansjoni u esportazzjonijiet ta’ prodotti primarji”. Dan il-pjan ikompli l-politika li kienet teżisti fil-Pjan għall-Aluminju ta’ qabel. Barra minn hekk dawn il-pjanijiet ġew implimentati għal ħafna snin u, kif muri hawn fuq, matul il-PIR kienu operattivi diversi miżuri implimentattivi.

(74)

Għalhekk id-distorsjonijiet multipli maħluqa mill-Istat fil-prezzijiet primarji tal-aluminju Ċiniż affettwaw il-prezzijiet tal-materja prima. Barra minn hekk, il-produtturi jgawdu minn vantaġġ permezz ta’ dawn id-distorsjonijiet, fis-sens li dawn normalment jixtru mis-suq Ċiniż minn fornituri lokali bl-użu tal-prezzijiet spot tas-suq Ċiniż (jew SHFE) bħala punt ta’ referenza. Matul il-PIR, dawn il-prezzijiet kienu madwar 7 % inqas mill-prezzijiet fis-suq dinji. Fit-teorija, il-kumpanniji Ċiniżi jistgħu wkoll jixtru ċerti kwantitajiet bil-prezzijiet tal-LME meta l-prezzijiet fis-suq Ċiniż ikunu ogħla bħala riżultat ta’ intervent mill-Istat – filwaqt li l-oppost mhux possibbli għal operaturi mhux Ċiniżi.

(75)

Għalhekk ġie konkluż li s-suq tal-aluminju Ċiniż jiġi mgħawweġ minħabba intervent sinifikanti mill-Istat.

(76)

L-interferenza mill-Istat Ċiniż fis-settur tal-azzar tidher mill-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-produtturi l-kbar tal-azzar Ċiniżi huma proprjetà tal-Istat u r-rata tal-kapaċità u l-produzzjoni tal-azzar huma influwenzati mid-diversi Pjanijiet Industrijali ta’ ħames snin, partikolarment dak attwali li huwa t-12-il Pjan ta’ Ħames Snin (2011-2015) għas-settur tal-ħadid u l-azzar.

(77)

L-Istat jeżerċita wkoll kontroll sinifikanti fuq is-suq tal-materji primi. Il-kokk (li flimkien mal-minerali tal-ħadid, huwa l-materja prima prinċipali fil-produzzjoni tal-azzar) huwa soġġett għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet u għal dazju tal-esportazzjoni ta’ 40 %. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li s-suq tal-azzar Ċiniż huwa mgħawweġ minħabba interferenza sinifikanti mill-Istat.

(78)

Investigazzjoni tal-antidumping li saret mill-Kummissjoni (18) kkonfermat l-importanza tal-intervent tal-Istat fis-settur speċifiku tal-pajpijiet u t-tubi wkoll, li huma l-materja prima ewlenija użati għall-produzzjoni tar-roti tal-azzar.

(79)

Għalhekk ġie konkluż li s-suq tal-azzar Ċiniż huwa mgħawweġ minħabba intervent sinifikanti mill-Istat.

(80)

Taħt tali ċirkostanzi, l-ebda kumpannija ma kienet f’pożizzjoni li tagħti prova li d-deċiżjonijiet kummerċjali tagħha fir-rigward tax-xiri tal-materja prima mhumiex soġġetti għal interferenza sinifikanti mill-Istat u li l-ispejjeż tal-inputs prinċipali jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq. Għalhekk, ma setgħux juru li jissodisfaw il-kriterju 1.

(81)

Dwar l-erba’ kriterji l-oħra, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw kienu kapaċi juru li jissodisfaw il-bqija tal-kriterji.

(82)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq dwar il-kriterju 1, ġie kkunsidrat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li t-TES għandu jiġi miċħud għat-tliet grupp ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw.

(83)

Il-Kummissjoni żvelat uffiċjalment ir-riżultati tas-sejbiet tat-TES lill-kumpanniji konċernati fir-RPĊ u lill-ilmentatur. Huma kienu mogħtija opportunità wkoll biex iressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu seduta jekk kien hemm raġunijiet partikolari li għandu jinstemgħu.

1.2.   Kummenti mill-partijiet

(84)

Wara l-iżvelar tat-TES, kumpannija waħda argumentat li r-rifjut li tingħata TES kien ibbażat fuq l-industrija tar-roti Ċiniża kollha kemm hi, u mhux fuq bażi ta’ kumpannija individwali. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li għalkemm il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tas-setturi tal-azzar u l-aluminju fiċ-Ċina, hemm rabta ċara bejn is-swieq tal-azzar u tal-aluminju fir-RPĊ u x-xiri ta’ prodotti tal-azzar u tal-aluminju bħala materja prima mill-gruppi li kooperaw.

(85)

Barra minn hekk kien argumentat li l-vantaġġ fl-ispejjeż għall-produtturi tar-roti Ċiniżi fir-rigward tal-azzar u l-aluminju huwa insinifikanti peress li jirrappreżenta biss bejn 1,4 % u 1,75 % meta wieħed iqis li l-aluminju u l-azzar primarji jgħoddu għal 20 %-25 % tal-ispiża tal-produzzjoni tar-roti u li d-differenza fil-prezz bejn prezzijiet LME u dawk SHFE kienet ta’ 7 % matul il-PIR.

(86)

F’dan ir-rigward huwa enfasizzat li fattur prinċipali fl-analiżi huwa l-proporzjon ta’ materja prima fl-ispejjeż tal-produzzjoni (li f’dan il-każ kien sinifikanti peress li jammonta għal mill-inqas 20 %-25 % tal-ispejjeż tal-produzzjoni) u l-fatt li hemm distorsjoni tas-suq tal-materja prima fir-RPĊ. L-impatt kwantitattiv preċiż tad-distorsjoni fl-ispejjeż tal-kumpannija mhux meqjus bħala fattur deċiżiv.

(87)

Barra minn hekk, kien argumentat li f’investigazzjoni oħra l-Kummissjoni analizzat il-prezzijiet tal-materja prima diretta użata fil-produzzjoni tal-prodott konċernat u mhux il-prezz tal-materja prima primarja u, għalhekk, fil-każ attwali, il-Kummissjoni kellha tivvaluta l-interferenza tal-Istat fil-prezzijiet tal-materja prima diretta, jiġifieri l-estrużjoni tal-liga tal-aluminju, pjuttost milli l-aluminju primarju li huwa l-materja prima primarja.

(88)

F’dan ir-rigward huwa nnutat li kull investigazzjoni hija analizzata skont il-merti tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li s-suq tal-aluminju primarju huwa kkontrollat mill-Istat jindika li lanqas is-suq tal-prodotti intermedjarji tal-aluminju ma jopera taħt kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, jiġifieri billi jirrispondi għall-provvista u d-domanda. Għaldaqstant l-argument ġie rrifjutat.

(89)

Kien argumentat ukoll li kwalunkwe differenza fil-prezz tal-aluminju primarju bejn is-SHFE u l-LME ma setgħetx twassal għal differenza fil-prezz tal-estrazzjonijiet tal-liga tal-aluminju bejn is-swieq rispettivi, u li jeħtieġ li jitqiesu fatturi bħal fl-effiċjenza tal-produzzjoni, il-kapaċità residwa, u l-kost tal-obbligi ambjentali.

(90)

F’dan ir-rigward, huwa enfasizzat li ma tressqet l-ebda evidenza biex issostni din l-allegazzjoni. Fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ sostenn, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tanalizza u tivverifika din l-allegazzjoni, li għalhekk kienet miċħuda.

(91)

Barra minn hekk, ġie argumentat li, billi jiġi injorat il-fatt li hemm għadd ta’ prodotti intermedjarji sussegwenti, il-Kummissjoni injorat il-karatteristiċi u l-fatturi reali għall-ipprezzar tal-prodotti finishing tar-roti. B’mod partikolari, peress li r-roti jinbiegħu direttament lill-konsumatur finali (mhux bħall-aluminju primarju), fatturi oħrajn apparti l-prezz tal-materja prima jiddeterminaw il-prezz tar-roti bħall-karatteristiċi tekniċi speċifiċi tar-rota u d-domanda tal-konsumaturi.

(92)

Madankollu, ma ngħatawx dettalji konkreti dwar dawn il-karatteristiċi u l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati u għalhekk ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tikkummenta dwarhom.

(93)

Ġie allegat ukoll li l-Kummissjoni għamlet valutazzjoni żbaljata tal-prinċipji li topera taħthom is-SHFE. Kien argumentat li s-CSRC tirregola l-funzjonijiet tas-SHFE bl-istess mod, fost oħrajn, bħall-Autorité des marchés financiers (“AMF”) fi Franza jew il-Financial Services Authority (“FSA”) fir-Renju Unit u li r-rwol tas-CSRC u l-miżuri regolatorji/ta’ superviżjoni tagħha huma konsistenti mal-prinċipji tal-G-20. Bħala konsegwenza l-konklużjonijiet tat-TES li huma bbażati fuq ir-rwol tas-CSRC u l-operat tas-SHFE ma għandhomx mertu.

(94)

Huwa nnutat li l-kumpannija naqset milli tqis il-fatt li filwaqt li l-FSA (19) u l-AMF (20) huma korpi indipendenti mhux governattivi, is-CSRC hija unità fil-livell ta’ ministeru li topera direttament taħt il-Kunsill tal-Istat (21). Il-Kunsill tal-Istat huwa l-ogħla organu eżekuttiv tal-poter tal-Istat, kif ukoll l-ogħla organu tal-amministrazzjoni tal-Istat (22). Dan huwa eżempju ieħor tal-fatt li l-Istat huwa involut attivament fir-regolamentazzjoni fis-suq tal-aluminju fir-RPĊ. F’dak li jirrigwarda l-konformità mal-prinċipji tal-G-20, il-kumpannija pprovdiet sempliċi dikjarazzjoni, mingħajr ma verament spjegat il-prinċipji li qed tirreferi għalihom. L-argument għalhekk ġie miċħud.

(95)

Barra minn dan, kumpannija waħda ma qablitx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li arbitraġġ bejn il-punt ta’ referiment dinji, il-LME, jew swieq oħra u l-prezzijiet tas-SHFE huwa prattikament impossibbli u li għalhekk is-SHFE tiffunzjona f’iżolament minn swieq oħra dinjin.

(96)

Huwa nnutat li dan jikkontradixxi aċċettazzjoni tal-kumpannija tad-differenza fil-prezz bejn is-SHFE u l-LME matul il-perijodu meta l-prezz tas-SHFE kien ogħla mill-prezzijiet tal-LME bl-argument li matul dak il-perijodu ta’ żmien il-produtturi Ċiniżi ħallsu aktar għall-prodotti tal-aluminju milli ħallsu l-produtturi tal-Unjoni.

(97)

Barra minn hekk, il-kumpannija argumentat li mill-2010 s-SHFE bdiet tippermetti l-konsenja fiżika ta’ aluminju f’imħażen liberi fiż-żona ta’ kummerċ ħieles ta’ Shanghai. Isegwi li din id-dikjarazzjoni ma tikkontradixxix, iżda pjuttost tikkonferma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-konsenji fiżiċi jistgħu jsiru biss f’maħżen fir-RPĊ li jkunu approvat mis-SHFE, mhux kif isir fil-kambji internazzjonali, fejn il-konsenja tista’ ssir mad-dinja kollha.

(98)

Kien argumentat ukoll li s-SHFE hija suq tal-futuri u li kuntratti tal-futuri tal-aluminju ilhom jiġu nnegozjati fis-SHFE sa mill-1991 u għalhekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li fis-SHFE ma jinbigħux derivattivi hija ħażina.

(99)

Verament li s-SHFE hija suq tal-futuri. Madankollu, kuntratti tal-futuri nnegozjati fis-SHFE jiġu saldati permezz ta’ konsenja fiżika. Derivattivi tal-prodotti mingħajr konsenja fiżika, jiġifieri mhux realment eżerċitati imma nnegozjati qabel id-data tal-konsenja tagħhom, huma limitati fir-RPĊ u għalhekk is-SHFE hija sempliċiment pjattaforma għall-iskambji fiżiċi li tiżola s-suq tal-aluminju Ċiniż.

(100)

Kien argumentat ukoll li r-raġunament tal-Kummissjoni dwar l-effetti fuq l-ipprezzar tar-roti tal-VAT/miżuri tat-taxxa u miżuri tal-inventarju marbuta mal-aluminju primarju huma ekonomikament dubjużi u mhux iġġustifikati biżżejjed.

(101)

Madankollu, billi l-kumpannija ma spjegatx liema elementi l-Kummissjoni mhux qed tqis fl-analiżi tagħha, u lanqas ma kompliet tissostanzja dan l-argument, ma kienx possibbli għall-Kummissjoni li tikkummenta.

(102)

Barra minn hekk, kien argumentat li hemm similaritajiet bejn il-politika industrijali fir-RPĊ u l-politiki tal-UE u li l-Kummissjoni ma wrietx li l-politika industrijali fir-RPĊ għandha impatt dirett jew sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet tal-input, il-produzzjoni tar-roti jew operat tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi Ċiniżi tar-roti.

(103)

F’dan ir-rigward huwa nnutat li ma kienx speċifikat għal liema politiki tal-UE l-kumpannija kienet qed tirreferi, u għaldaqstant il-Kummissjoni ma tistax tikkummenta dwar din l-allegazzjoni. Barra minn hekk, rigward id-dikjarazzjoni li ma kienx muri li l-politika industrijali tar-RPĊ għandha impatt sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet tal-input, il-produzzjoni jew il-bejgħ tal-produtturi esportaturi Ċiniżi tar-roti, huwa nnutat li l-eżistenza ta’ Pjan ta’ 5 snin fis-settur tal-Aluminju fir-RPĊ, id-distorsjonijiet fil-prezz tal-aluminju li jiġi nnegozjat f’Kambju iżolat meta l-aluminju jirrappreżenta 20-25 % tal-ispejjeż totali tal-produzzjoni ta’ rota, jindika rabta ċara bejn il-politika industrijali fir-RPĊ u d-deċiżjonijiet tal-input, il-produzzjoni u l-bejgħ tal-produtturi esportaturi Ċiniżi tar-roti.

(104)

Kien argumentat ukoll li l-Kummissjoni kisret l-iskadenza ta’ tliet xhur speċifikata fir-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li minħabba l-fatt li l-kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi kienet baxxa ħafna, il-Kummissjoni għamlet sforz addizzjonali biex tikseb aktar kooperazzjoni billi kkuntattjat għadd kbir ta’ esportaturi addizzjonali li ġew identifikati aktar tard fl-investigazzjoni. B’riżultat ta’ dan, ma kienx possibbli li ssir id-determinazzjoni tat-TES fil-perijodu stipulat. Madankollu, huwa mfakkar li l-Qorti Ġenerali (23) riċentament sabet li determinazzjoni ta’ TES li ma ssirx sal-iskadenza ta’ tliet xhur prevista fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku fiha nnifisha mhijiex biżżejjed biex twassal għal annullament ta’ regolament li jimponi miżuri antidumping. Huwa wkoll innotat li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku sadanittant ġie emendat bl-effett li l-Kummissjoni għandha tagħmel biss determinazzjonijiet tat-TES fir-rigward tal-kumpanniji inklużi fil-kampjun u li tali determinazzjoni normalment għandha ssir fi żmien seba’ xhur, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn tmien xhur, wara l-ftuħ tal-investigazzjoni (24). Din l-emenda hija applikabbli għall-investigazzjonijiet ġodda u pendenti kollha, inkluż din. Id-determinazzjonijiet saru fi żmien tmien xhur mid-data tal-ftuħ.

(105)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-argument marbut mal-ksur tal-iskadenza ta’ tliet xhur qiegħed jiġi miċħud.

1.3.   Talba tal-partijiet

(106)

Parti waħda talbet illi d-dikjarazzjonijiet tat-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (“TES”) tal-produtturi fir-RPĊ li ma baqgħux jesportaw lejn l-Unjoni għandhom jiġu analizzati wkoll. Ġie allegat li dawk il-produtturi waqfu jesportaw lejn l-Unjoni unikament minħabba d-dazji tal-antidumping fis-seħħ mill-2005.

(107)

F’dan ir-rigward huwa enfasizzat li s-sejbiet fir-rigward tad-dumping u l-ħsara jirrigwardaw il-perijodu tal-investigazzjoni tar-rieżami (“PIR”) stabbilit skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Dan ifisser li d-data miġbura mingħand il-produtturi esportaturi bil-għan li jiġi stabbilit valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni wkoll tirrelata biss u strettament ma’ dak il-perijodu. L-analiżi tat-TES isir fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ li mbagħad jiġi mqabbel mal-prezz tal-esportazzjoni matul l-istess perijodu. Jekk produttur ma esportax il-prodott konċernat matul il-PIR, l-ebda prezz tal-esportazzjoni ma jista’ jiġi stabbilit u l-ebda marġni ta’ dumping ma jista’ jiġi kkalkulat. Għalhekk, ma hemmx raġuni biex jiġi eżaminat it-TES ta’ produttur li ma esportax il-prodott konċernat matul il-PIR. Madankollu, huwa mfakkar li l-produtturi esportaturi kollha għandhom il-possibbiltà jitolbu “rieżami interim” biex is-sitwazzjoni tagħhom tiġi riveduta skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku jew, dawk il-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott konċernat matul il-perijodu tal-investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri, għandhom il-possibbiltà jitolbu “rieżami għal esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tal-istess Regolament.

(108)

Barra minn hekk, fit-talba tagħha, il-parti semmiet ukoll is-Sentenza Brosmann (25) tal-Qorti u deher li kienet qed timplika li fuq dik il-bażi, produtturi fir-RPĊ għandhom jitħallew jissottomettu formola ta’ dikjarazzjoni tat-TES anki jekk dawn ma esportawx il-prodott konċernat lejn l-Unjoni matul dan il-perijodu ta’ investigazzjoni. Ta’ min jinnota li s-sentenza ma tindirizzax is-sitwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-TES minn produtturi esportaturi li ma esportawx matul il-perijodu tal-investigazzjoni u għalhekk mhix rilevanti f’dan il-kuntest.

(109)

Għaldaqstant, din it-talba ma ntlaqatx.

(110)

Kien argumentat ukoll li l-prezzijiet tal-esportazzjoni għall-kumpanniji mingħajr esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-PIR għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq kwalunkwe bażi raġonevoli oħra.

(111)

F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku ma jimplikax pożittivament li għandu jinħadem prezz tal-esportazzjoni għall-produtturi tal-pajjiż konċernat f’każ li dawn ma esportaw l-ebda kwantità lejn l-Unjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku jirreferi għal prezz tal-bejgħ mill-ġdid tal-prodott importat bħala bażi biex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni, u għal aġġustamenti għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, li jimplika li fil-fatt saru importazzjonijiet lejn l-Unjoni. Il-“kwalunkwe bażi raġonevoli” fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għal każijiet speċifiċi fejn il-metodoloġiji preċedenti msemmija fiha ma jistgħux jiġu applikati. Dan ma jnaqqasx mill-fatt li l-Artikolu jimplika li matul il-PIR saru importazzjonijiet lejn l-Unjoni.

1.4.   Konklużjoni

(112)

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-ebda grupp Ċiniż li talab TES ma seta’ juri li ssodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament Bażiku. Għalhekk tqies li t-TES għandu jiġi miċħud għal dawn il-gruppi kollha.

2.   Trattament Individwali

(113)

Permezz tar-Regolament (UE) Nru 765/2012 (26), li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill emendaw l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 765/2012 stipula li l-emenda għandha tapplika biss għal investigazzjonijiet miftuħa wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Konsegwentement, billi l-investigazzjoni attwali nfetħet fid-9 ta’ Marzu 2012, l-emenda ma kinitx tapplika għal din l-investigazzjoni.

(114)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, jiġi stabbilit dazju għall-pajjiż kollu, f’każ li jiġi stabbilit, gћal dawk il-pajjiżi li jaqgћu taћt l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ћlief gћal dawk il-każijiet fejn il-kumpanniji jkunu kapaċi juru, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, li l-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-esportazzjonijiet tagћhom kif ukoll il-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgћ huma determinati b’mod ħieles, li r-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq, u li kwalunkwe interferenza mill-Istat ma tkunx tali li tippermetti ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi jingћataw rati differenti ta’ dazju.

(115)

It-tliet gruppi ta’ esportaturi li kooperaw li talbu t-TES talbu wkoll trattament individwali f’każ li ma jingħatawx TES. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, huwa stabbilit li t-tliet gruppi fir-RPĊ jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għal trattament individwali.

3.   Valur normali

3.1.   Pajjiż analogu

(116)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali gћall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx it-TES, gћandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet domestiċi jew tal-valur normali maħdum f’pajjiż analogu.

(117)

Għal dan il-għan, fl-Avviż tal-ftuħ il-Kummissjoni ssuġġerixxiet il-Messiku, li kien ukoll il-pajjiż analogu użat fl-investigazzjoni preċedenti fil-każ tal-RPĊ.

(118)

Il-partijiet interessati kollha ngħataw l-opportunità jikkummentaw dwar l-għażla tal-pajjiż analogu previst.

(119)

Parti waħda argumentat li l-Messiku ma jirrappreżentax l-aħjar għażla ta’ pajjiż analogu, iżda li t-Tajwan kien għażla aħjar minħabba l-fatt li t-Tajwan huwa produttur ewlieni tar-roti, kellu komunalità akbar mar-RPĊ mill-Messiku u li probabbilment iwassal għal valur normali aktar affidabbli.

(120)

Il-Kummissjoni ppruvat tikseb kooperazzjoni minn 15-il pajjiż, jiġifieri l-Bangladexx, il-Kanada, il-Kambodja, l-Indja, l-Indoneżja, il-Malasja, il-Messiku, in-Norveġja, il-Filippini, is-Sri Lanka, it-Tajwan, it-Tajlandja, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Istati Uniti.

(121)

Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand tliet produtturi tar-roti Messikani biss, li aċċettaw ukoll verifika tat-tweġibiet tagħhom fuq il-post tagħhom. L-ebda kumpannija oħra minn l-ebda pajjiż ikkuntattjat ma kkooperat. Dawn it-tliet produtturi kellhom bejgħ domestiku li jirrappreżenta aktar minn 30 % tas-suq Messikan, li kien stmat li kien ta’ madwar 1,7 miljun unità fl-2011. Instab li aktar minn 14-il produttur u diversi importaturi kienu joperaw f’ambjent kompetittiv. L-importazzjonijiet tar-roti fl-2011 kienu joriġinaw prinċipalment mir-RPĊ (aktar minn 60 %) u mit-Tajwan (20 %). Dawn l-importazzjonijiet jirrappreżentaw xi 5 % tas-suq domestiku (sors: rapport annwali tal-ANAFABI, l-assoċjazzjoni tal-manufatturi tar-roti).

(122)

Il-profil tas-suq tal-Messiku għall-prodott konċernat, l-għadd ta’ operaturi, il-kompetizzjoni domestika u l-karatteristiċi tal-proċess tal-produzzjoni kkonfermaw li l-Messiku kien għadu pajjiż analogu xieraq. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, is-suq Messikan jista’ jitqies bħala rappreżentattiv u kompetittiv. Kien konkluż li l-Messiku kien pajjiż analogu xieraq.

3.2.   Determinazzjoni tal-valur normali fil-pajjiż analogu

(123)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni verifikata li waslet mingħand il-produttur fil-pajjiż analogu kif tidher hawn taħt:

(124)

L-investigazzjoni wriet li l-prodott konċernat kien mibjugħ fi kwantitajiet rappreżentattivi fis-suq domestiku Messikan.

(125)

Aktar minn hekk, ġie analizzat jekk jistax jitqies li qed jinbiegħ fil-proċess normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi għal kull tip ta’ prodott ġie stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ bi profitt lil konsumaturi indipendenti fis-suq domestiku matul il-PIR.

(126)

Meta l-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz tal-bejgħ nett daqs jew iktar mill-ispiża kalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, u fejn il-prezz medju ppeżat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali. Dan il-prezz ġie kkalkulat bħala l-medja ppeżata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dan it-tip matul il-PIR, irrispettivament minn jekk il-bejgħ kienx bi profitt jew le.

(127)

Meta l-volum ta’ bejgħ bi profitt ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali ta’ bejgħ ta’ dan it-tip, jew meta l-prezz medju ppeżat ta’ dan it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali ġie bbażat fuq il-prezz domestiku reali, kalkulat bħala medja ppeżata ta’ bejgħ bi profitt ta’ dak it-tip biss.

(128)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda tip ta’ prodott fejn ma sar l-ebda bejgħ bi profitt.

4.   Prezz tal-esportazzjoni

(129)

Fil-każijiet kollha fejn il-prodott konċernat kien esportat lil konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni realment imħallsa jew pagabbli.

(130)

F’każijiet fejn il-bejgħ sar permezz ta’ importatur jew negozjant relatat, il-prezzijiet tal-esportazzjoni nħaddmu skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-importatur relatat lill-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni. Twettqu aġġustamenti għall-ispejjeż kollha mġarrba bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid inkluż il-bejgħ, l-infiq ġenerali u amministrattivi u l-profitt. Fir-rigward tal-marġini ta’ profit, intuża l-profitt realizzat minn importatur/negozjant mhux relatat tal-prodott konċernat peress li l-profitt reali tal-importatur/negozjant relatat ma tqiesx affidabbli minħabba r-relazzjoni bejn il-produttur esportatur u l-importatur/negozjant relatat.

(131)

Kif imsemmi fil-premessi (63) u (64), Giant China rrifjutat li tipprovdi lis-servizzi tal-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa dwar l-istruttura tal-grupp u informazzjoni essenzjali dwar il-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott konċernat lejn l-Unjoni fil-PIR tal-parti tal-kumpannija Jinshan Development and Construction Ltd group (‘Jinshan Group’) involuta fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott konċernat fir-RPĊ u konsegwentement, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kien applikat fir-rigward tal-prezz tal-esportazzjoni.

(132)

Giant China kontestati l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku kemm fir-rigward tar-rifjut tal-TES kif ukoll tal-applikazzjoni tal-fatti disponibbli għall-kalkoli tal-prezz tal-esportazzjoni. Argumenta li l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa għall-kalkolu tal-marġini tad-dumping. F’dan ir-rigward, Giant China argumentat li l-informazzjoni mitluba mill-Jinshan Group li jinsab fir-RPĊ ma kinitx pertinenti għall-valutazzjoni tat-TES jew għall-kalkoli tal-prezz tal-esportazzjoni peress li kien relatat ma’ Giant China u l-kumpanniji relatati magħha (“Giant Group”) b’mod tassew indirett.

(133)

Madankollu, l-investigazzjoni konfermat li waħda mis-sussidjarji tal-Giant Group, ipproduċiet u esportat attivament il-prodott konċernat lejn l-Unjoni matul parti mill-PIR, jiġifieri Shanghai Giant & Phoenix Bicycles Co Ltd (“GP”), kienet relatata, permess ta’ ishma komuni, rabtiet strutturali u l-maniġment mal-Jinshan Group u li dan il-grupp kien involut fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott konċernat. Fin-nuqqas ta’ tweġiba għall-formola tat-talba tat-TES u għall-kwestjonarju tal-antidumping mill-parti tal-kumpanniji tal-Jinshan Group li kienu involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott konċernat fir-RPĊ, ma setax jiġi vvalutat sa liema punt il-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott konċernat tal-Jinshan Group kellu impatt fuq id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni fir-rigward tal-GP u bħala konsegwenza għal Giant bħala grupp sħiħ. Barra minn hekk ma setax jiġi investigat jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni f’dan ir-rigward, l-argumenti ta’ Giant China kellhom jiġu miċħuda.

(134)

Barra minn hekk, Giant China argumentat li ma hemmx bżonn li titqies l-informazzjoni dwar il-prezz relatata ma’ produtturi esportaturi oħra meta jiġi kkalkulat il-marġini individwali ta’ produttur esportatur sakemm Giant Group u Jinshan Group ma jiffurmawx entità waħda minħabba rabtiet eżistenti finanzjarji, kummerċjali u ta’ maniġment.

(135)

L-evidenza fil-fajl tappoġġja s-sejba li GP u Jinshan Group huma relatati u għandhom rabtiet mill-qrib fl-ishma, fl-istruttura u ta’ maniġment. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni kompluta dwar il-partijiet kollha relatati ma’ GP, b’mod partikolari dwar produtturi esportaturi tar-roti Ċiniżi li huma sussidjarji ta’ Jinshan Group, huwa impossibbli li jitwettqu kalkoli sħaħ u affidabbli tal-prezz tal-esportazzjoni u għalhekk li jiġi stabbiliti marġini individwali għal GP u bħala konsegwenza għal Giant Group kollu kemm hu.

(136)

Ġie argumentat ukoll li l-informazzjoni mitluba qiegħdet piż mhux raġonevoli fuq Giant China u li din għamlet ħilitha kollha fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward għandu jiġi nnotat li l-ebda evidenza ma ġiet sottomessa, ħlief kummenti għall-iżvelar definittiv, li turi li Giant China għamlet xi sforzi biex tinġabar l-informazzjoni mitluba fil-formola tat-talba għat-TES u għall-kwestjonarju tal-antidumping għall-parti tal-kumpanniji ta’ Jinshan Group, involuti fil-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott konċernat. Matul l-investigazzjoni Giant China argumentat li ma kienx hemm bżonn tipprovdi l-informazzjoni mitluba iżda ma argumentatx li l-ksib ta’ din l-informazzjoni kien piż mhux raġonevoli. Giant China ressqet evidenza tal-isforzi allegati biss wara l-iżvelar finali, fi stadju fejn dik l-informazzjoni ma kinitx verifikabbli. Għalhekk ma setgħetx titqies aktar.

(137)

Giant China argumentat li fi kwalunkwe każ ma kienx hemm riskju ta’ ċirkomvenzjoni ta’ xi miżuri tal-antidumping potenzjali billi, pereżempju, il-produzzjoni tiġi spostata bejn iż-żewġ gruppi għax GP, l-unika rabta bejn iż-żewġ gruppi, waqqfet l-operazzjonijiet kollha f’Settembru 2011. F’dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li fi tmiem il-PIR, GP kienet għadha teżisti bħala entità kif konfermat ukoll minn Giant China. Għaldaqstant, l-attività ta’ produzzjoni setgħet terġa’ tibda fi kwalunkwe mument fil-ġejjieni u l-fatt li GP allegatament waqqfet l-operazzjonijiet kollha f’Settembru 2011 mhuwiex rilevanti. Barra minn hekk, Giant China argumentat li r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni seta’ jiġi indirizzat b’mod differenti jiġifieri bil-klawżola ta’ monitoraġġ imsemmi fil-premessi (276) u (277) iktar ‘l isfel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-klawżola ta’ monitoraġġ tapplika biss għal kumpanniji mhux relatati, b’hekk ir-riskji involuti mhumiex ta’ natura simili u ma setgħux jiġu applikati l-istess rimedji.

(138)

Barra minn hekk, Giant China argumentat li kien messu sar l-kontroll fuq il-post fil-bini ta’ GP fir-RPĊ sabiex jiġu kkontrollati l-attivitajiet ta’ produzzjoni u bejgħ ta’ GP wara ta’ Settembru 2011. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li ma kienx meqjus rilevanti jekk GP waqqfietx l-attivitajiet tagħha wara Settembru 2011. Tabilħaqq, anki jekk dan kien il-każ, GP setgħet reġgħet bdiet il-produzzjoni tar-roti u l-attivitajiet ta’ bejgħ tagħha f’kwalunkwe ħin u kontroll fuq il-post ma kienx ser inaqqas dan ir-riskju.

(139)

Barra minn hekk, Giant China sottomettiet xi evidenza li turi li l-ishma ta’ Gaint Group f’GP nbiegħu fit-30 ta’ Marzu 2013. Madankollu, għandu jiġi nnutat li din it-tranżazzjoni seħħet wara l-PIR u flimkien mal-istadju avvanzat tal-investigazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi vverifikata u lanqas mhi pertinenti fil-qafas ta’ din l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, jekk Giant titlob rieżami tas-sitwazzjoni tagħha wara l-bejgħ tal-ishma, dan jista’ jiġi kkunsidrat fiż-żmien dovut skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

(140)

Fl-istess sottomissjoni Giant China pprovduti kjarifiki oħra għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, ma kinux tali li jbiddlu l-valutazzjoni inizjali tal-Kummissjoni.

(141)

Għalhekk, is-sejbiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Gaint Group huma kkonfermati.

5.   Paragun

(142)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti, fejn kien xieraq, għal taxxi indiretti, skontijiet, livell ta’ kummerċ, trasport, assigurazzjoni, spejjeż tal-maniġġ u anċillari, ippakkjar, kreditu, imposti u kummissjonijiet bankarji fil-każijiet kollha fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u sostnuti b’evidenza.

6.   Marġini ta’ dumping

6.1.   Għall-produtturi esportaturi li kooperaw

(143)

Għat-tliet kumpanniji li kooperaw, il-marġinijiet tad-dumping ġew stabbiliti billi tqabbel il-valur normali medju ppeżat stabbilit għall-produtturi Messikani li kooperaw mal-prezz tal-esportazzjoni medju ppeżat ta’ kull kumpannija lejn l-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku.

(144)

Il-marġinijiet tad-dumping, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Kumpannija

Marġini ta’ dumping

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd.

19,2  %

Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd.

20,9  %

Ideal (Dongguan) Bike Co., Ltd.

0  %

6.2.   Gћall-produtturi esportaturi l-oћra kollha

(145)

Jekk wieħed iqis li l-kooperazzjoni mir-RPĊ kienet baxxa ħafna kif intqal fil-premessi (22) u (24), is-sejbiet għall-kumpanniji li kooperaw ma jistgħux jitqiesu rappreżentattivi għall-pajjiż. Għalhekk, il-marġini tad-dumping għall-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha fir-RPĊ ma jistax jiġi revedut.

(146)

Għaldaqstant, il-marġini tad-dumping għall-pajjiż qiegħda b’dan tiżamm l-istess kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1095/2005, jiġifieri 48,5 %.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

Produzzjoni tal-Unjoni u industrija tal-Unjoni

(147)

Il-prodott simili huwa stmat li jiġi mmanifatturat minn madwar 380 produttur magħruf fl-Unjoni. Barra minn hekk, ippreżentaw ruħhom sitt assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-produtturi tal-Unjoni.

(148)

Intużat l-informazzjoni disponibbli kollha, inkluża data miġbura mill-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali, kif ukoll l-istatistika tal-produzzjoni disponibbli għand il-Kummissjoni biex tiġi stabbilita l-produzzjoni totali fil-Unjoni, li ammontat għal madwar 11-il miljun rota fil-PIR.

(149)

Il-produtturi tal-Unjoni li jgħoddu għall-produzzjoni totali tal-Unjoni jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikoli 4(1) u 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn ‘il quddiem se jissejħu “l-industrija tal-Unjoni”.

(150)

Kif indikat hawn fuq, minħabba l-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni li kooperaw intgħażel kampjun ta’ tmien produtturi mill-Unjoni, li jirrappreżenta madwar 25 % tal-produzzjoni u l-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili fil-PIR. Il-produtturi kollha fil-kampjun tal-Unjoni kienu jibbenefikaw mill-iskema ta’ eżenzjoni deskritta fil-premessa (1) aktar ‘il fuq.

E.   SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Konsum tal-Unjoni

(151)

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ġie vvalutat abbażi tad-data miġbura mill-produtturi fit-tweġibatal-formoli tat-teħid tal-kampjun u d-data miġbura mid-diversi assoċjazzjonijiet tal-produtturi tar-roti fl-Unjoni.

(152)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-bejgħ tal-industrija kollha tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, kif stmat fil-premessa (151), flimkien mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha, kif rappurtat mill-Eurostat.

(153)

Il-konsum totali tal-Unjoni naqas minn 22 459 062 unità fl-2008 għal 20 116 602 unità fil-PIR, jiġifieri b’10 % matul il-perijodu kunsidrat. Dan huwa prinċipalment riżultat ta’ tnaqqis ta’ 8 % bejn l-2008 u l-2009, filwaqt li wara dan il-konsum baqa’ stabbli u naqas biss bi ftit fil-PIR (bi 2 %). Fl-2009, is-suq kien partikolarment influwenzat mill-impatt tal-kriżi ekonomika u baqa’ ma rkuprax. Tnaqqis ulterjuri fl-2011 kien prinċipalment ikkawżat mill-fatt li fil-klima ekonomika attwali l-infiq tal-konsumaturi baqa’ kawt.

Tabella 1

Konsum

 

2008

2009

2010

2011

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

+

Importazzjoni totali

10 017 616

8 974 906

9 734 143

8 840 362

+

Produzzjoni tal-Unjoni mibjugħa fis-suq tal-Unjoni

12 441 446

11 604 072

10 946 875

11 276 240

=

Konsum

22 459 062

20 578 978

20 681 018

20 116 602

Indiċi (2008 = 100)

100

92

92

90

Sors:

Eurostat, tweġibiet għall-kwestjonarji

2.   Importazzjonijiet mir-RPĊ

2.1.   Il-volumi ta’ importazzjonijiet iddampjati u s-sehem tas-suq tar-roti li joriġinaw mir-RPĊ

(154)

Il-volum ta’ importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina fir-RPĊ ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni statistika pprovduta mill-Eurostat. Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ naqas drastikament bejn l-2008 u l-2009 minn 941 522 unità għal 597 339 unità rispettivament, jiġifieri bi 37 %. Fl-2010 l-importazzjonijiet kienu qegħdin jiżdiedu, iżda fil-PIR reġgħu naqsu fejn laħqu 581 459 unità. It-tnaqqis sinifikanti fl-importazzjonijiet Ċiniżi jikkoinċidi mal-kriżi ekonomika u minn dak iż-żmien baqa’ ma rkuprax. Kumplessivament, l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu bi 38 % matul il-perijodu kunsidrat.

(155)

Is-sehem Ċiniż mis-suq għalhekk naqas minn 4,2 % fl-2008 għal 2,9 % fil-PIR. It-tnaqqis fis-sehem mis-suq kien parzjalment paċut bit-tnaqqis tal-konsum fl-Unjoni.

(156)

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li s-sehem relattivament baxx u li għadu qed jonqos mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi irid jitqies fil-kuntest tas-sejbiet fl-investigazzjoni ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni parallela fis-seħħ imsemmija fil-premessi (14) u (15) (ara l-premessi (223) u (224)).

Tabella 2

Importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2008

2009

2010

RIP

Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat (unitajiet)

941 522

597 339

627 120

581 459

Indiċi (2008 = 100)

100

63

67

62

Sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat (%)

4,2

2,9

3,0

2,9

Sors:

Eurostat

3.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet konċernati

3.1.   Evoluzzjoni tal-prezzijiet

(157)

Kif ġie stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1095/2005, id-data tal-Eurostat setgħet tintuża biss sa ċertu punt biex ikunu stabbiliti x-xejriet tal-prezz tal-importazzjonijiet iddampjati għall-perijodu bejn l-2008 u l-PIR għar-raġunijiet li ġejjin:

(158)

Il-prezzijiet tal-importazzjoni bbażati fuq id-data tal-Eurostat ma jikkunsidrawx it-tipi varji tal-prodott u d-differenzi sostanzjali tal-prezzijiet fost it-tipi varji tal-prodott konċernat. Il-prezzijiet medji għal kull pajjiż huma influwenzati sewwa mit-taħlita tal-prodott ta’ kull pajjiż. Barra minn dan, meta jsir tqabbil mudell b’mudell tal-importazzjonijiet minn esportaturi li kooperaw, jinstab li jeżistu differenzi sostanzjali fil-prezz li jiddependu fuq il-komponenti tar-roti anke fl-istess tipi u mudelli tal-istess prodott. Għalhekk, il-prezzijiet misjuba fl-Eurostat xorta waħda mhumiex konklużivi għall-fini ta’ din l-investigazzjoni. Il-prezzijiet tal-importazzjoni tal-Eurostat għall-RPĊ, minn hawn ‘il quddiem indikati b’indiċi, jistgħu jservu biss ta’ indikatur tax-xejriet tal-prezzijiet iżda mhumiex utli meta jitqabblu l-prezzijiet tal-bejgħ bejn diversi pajjiżi u l-Unjoni.

(159)

Skont id-data tal-Eurostat, il-medja ppeżata tal-prezzijiet ta’ importazzjoni, minn issa ‘l quddiem indikati b’indiċi, mir-RPĊ żdiedet b’mod sinifikanti matul il-perijodu meqjus kif jidher fit-Tabella 3. Madankollu, mingħajr ma jkun magħruf it-tip ta’ roti li kienu importati mir-RPĊ u jekk kienx hemm kwalunkwe bidla fit-taħlita tal-prodott minn sena għall-oħra, ma tista’ ssir l-ebda konklużjoni.

Tabella 3

Prezz tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2008

2009

2010

RIP

Prezz tal-Importazzjonijiet mir-RPĊ

 

 

 

 

Indiċi (2008 = 100)

100

173

217

214

Sors:

Eurostat

3.2.   Twaqqigħ tal-prezz

(160)

It-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi li kooperaw li nstabu li qed iwettqu dumping ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz reali verifikat tal-esportazzjoni tagħhom (CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni), kemm bid-dazju tal-antidumping kif ukoll mingħajru. Il-prezzijiet rilevanti tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu dawk għall-konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, aġġustati fejn meħtieġ għal-livell ex-works. Matul il-PIR, abbażi tat-tipi differenti tal-prodott definiti fil-kwestjonarju, instab twaqqigħ għal wieħed biss mill-produtturi esportaturi li ammonta għal 61 % mingħajr id-dazju tal-antidumping u għal 44 % bid-dazju tal-antidumping.

(161)

Minħabba li l-kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kienet baxxa ħafna u s-sejbiet għall-kumpanniji li kkooperaw ma setgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi għall-pajjiż, kif ukoll il-fatt li l-prezz medju tal-Eurostat ma setax jitqies konklussiv, kien ikkunsidrat li l-livelli ta’ twaqqigħ fil-prezz kif stabbilit matul l-aħħar rieżami tal-iskadenza mwettaq mir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 imsemmi fil-premessa għandu jitqies bħala referenza meta jiġi stabbilit it-twaqqigħ għall-pajjiż kollu għar-RPĊ, billi ma kinitx disponibbli informazzjoni affidabbli oħra, jiġifieri 53 % wara t-tnaqqis tad-dazju tal-antidumping u 39 % bid-dazju.

4.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(162)

Kif indikat fil-premessi (8), (9), u (10), din l-investigazzjoni analizzat jekk kienx hemm tibdil fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni li jiġġustifika l-ħtieġa li jiġu vvalutati mill-ġdid is-sejbiet tal-ħsara tar-rieżami interim li jemenda. L-investigazzjoni konfermat li: (i) Minħabba x-xejra globali, il-produzzjoni tar-roti fl-Unjoni tikkonsisti primarjament f’xogħol intensiv ta’ mmuntar ta’ komponenti tar-roti li huma ddisinjati skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumaturi u mixtrija minn postijiet differenti. (ii) Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni l-investigazzjoni wriet sforz kontinwu mill-industrija tal-Unjoni li tawtomatizza u tirrazzjonalizza l-proċess tal-immuntar. Barra minn hekk, xi produtturi tal-Unjoni bbenefikaw minn kost tax-xogħol relattivament orħos fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa meta mqabbel mal-perijodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami interim li jemenda. L-istatistika tal-produzzjoni disponibbli għall-Kummissjoni tikkonferma din ix-xejra. (iii) L-investigazzjoni konfermat il-preferenza għal-liga tal-aluminju bħala materja prima, filwaqt li l-azzar baqa’ l-materja prima ewlenija għall-mudelli fin-naħa t’isfel tal-ispettru u għar-roti tat-tfal. Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni ġiet eżaminata kif deskritt hawn taħt.

(163)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi u l-indiċi rilevanti kollha li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(164)

Għall-fini tal-analiżi tal-ħsara, l-indikaturi tal-ħsara ġew stabbiliti kif ġej:

indikaturi makroekonomiċi (produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni, użu tal-kapaċita, volum ta’ bejgħ, sehem mis-suq, impjiegi, produttività, tkabbir, daqs tal-marġini tad-dumping u rkupru mill-effetti tad-dumping tal-passat) ġew ivvalutati fuq il-livell tal-produzzjoni sħiħa fl-Unjoni għall-produtturi kollha tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-produtturi tal-Unjoni u produtturi individwali tal-Unjoni. Dawn il-fatturi ġew kontrovverifikati, meta possibbli, mal-informazzjoni kumplessiva pprovduta mill-istatistika uffiċjali rilevanti.

indikaturi mikroekonomiċi (stokkijiet, prezz tal-bejgћ tal-unità, kost tal-produzzjoni, fluss tal-flus, profitabbiltà, redditu fuq l-investimenti, kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital, investimenti u pagi) ġew ivvalutati għall-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fuq il-bażi tal-informazzjoni li ssottomettew.

Indikaturi makroekonomiċi

(a)   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

(165)

Matul il-perijodu kunsidrat, il-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqset kontinwament u b’pass aktar mgħaġġel mill-konsum tal-Unjoni kif muri aktar ‘il fuq fit-tabella nru 1 fil-premessa (153). Għalhekk, il-produzzjoni naqset minn 13 541 244 unità fl-2008 għal 11 026 646 unità fil-PIR, li jirrifletti tnaqqis ta’ 19 %.

Tabella 4

Produzzjoni totali tal-Unjoni

 

2008

2009

2010

RIP

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Produzzjoni

13 541 244

12 778 305

11 682 329

11 026 646

Indiċi (2008 = 100)

100

94

86

81

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, statistika uffiċjali rilevanti

(166)

Il-kapaċità tal-produzzjoni naqset b’5 % bejn l-2008 u l-PIR, li paċa parzjalment l-impatt tat-tnaqqis ta’ 19 % tal-produzzjoni fuq ir-rata tal-użu tal-kapaċità. Din tal-aħħar naqset b’14-il punt perċentwali matul l-istess perijodu, u laħqet 74 % fil-PIR.

Tabella 5

Kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

 

2008

2009

2010

RIP

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Kapaċità ta’ produzzjoni

15 804 000

15 660 000

15 150 000

15 000 000

Indiċi (2008 = 100)

100

99

96

95

Użu tal-kapaċità (%)

86

82

77

74

Indiċi (2008 = 100)

100

95

90

86

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, statistika uffiċjali rilevanti

(b)   Volum tal-bejgħ

(167)

Kumplessivament, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b’mod simili bħall-konsum fl-Unjoni, bi tnaqqis ta’ 9 % matul il-perijodu kunsidrat, minn 12 441 446 unità fl-2008 għal 11 276 240 unità fil-PIR. Bejn l-2009 u l-2010 madankollu, il-bejgħ kompla jonqos filwaqt li l-konsum baqa’ stabbli, u dan ġie rifless fit-telf mis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni fl-2010 kif jidher hawn taħt fit-Tabella 7 fil-premessa (168) aktar ‘l isfel. Fil-PIR il-volumi tal-bejgħ reġgħu żdiedu imma ma laħqux il-livell tagħhom tal-2008.

Tabella 6

Bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fl-Unjoni

 

2008

2009

2010

RIP

Volum (unitajiet)

12 441 446

11 604 072

10 946 875

11 276 240

Indiċi (2008 = 100)

100

93

88

91

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, statistika uffiċjali rilevanti

(c)   Sehem mis-suq

(168)

Is-sehem mis-suq li kellha l-industrija tal-Unjoni żdied minn 55,4 % fl-2008 għal 56,1 % fil-PIR, jiġifieri żieda ta’ 0,7 punti perċentwali matul il-PIR. Dan it-titjib żgħir ta’ 0,7 punti perċentwali matul il-perijodu kunsidrat inkluda tnaqqis sinifikanti minn 56,4 % fl-2009 għal 52,9 % fl-2010. Iż-żieda kumplessiva tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, fl-isfond ta’ volumi tal-bejgħ li qed jonqsu (ara l-premessa (167)), tista’ tiġi spjegata mit-tnaqqis kumplessiv fil-konsum (ara l-premessa (153)).

Tabella 7

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni

 

2008

2009

2010

RIP

Sehem mis-suq tal-Unjoni (%)

55,4

56,4

52,9

56,1

Indiċi (2008 = 100)

100

102

96

101

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, statistika uffiċjali rilevanti

(d)   Impjiegi u produttività

(169)

L-impjiegi diretti naqsu bi 17 %, minn 14 197 impjegat fl-2008 għal 11 783 matul il-PIR. Dan it-tnaqqis segwa t-tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni.

(170)

Kumplessivament, il-produzzjoni naqset bi 2 % matul il-perijodu kunsidrat. It-tnaqqis fil-produzzjoni bejn l-2008 u l-2009 flimkien mal-impjiegi kostanti matul l-istess perijodu kkawża tnaqqis fil-produttività bejn l-2008 u l-2009. Dan kien segwit b’żieda fil-produttività bejn l-2009 u l-2010, li tista’ tiġi spjegata mir-ristrutturar tal-industrija u l-investimenti fi proċessi tal-produzzjoni aktar effiċjenti matul l-istess perijodu. Aktar tnaqqis fil-volum tal-produzzjoni fil-PIR flimkien ma’ tnaqqis inqas sostanzjali fl-impjiegi rriżulta fi tnaqqis ieħor fil-produttività fil-PIR.

Tabella 8

Impjieg u produttività totali tal-Unjoni

 

2008

2009

2010

RIP

Għadd ta’ impjegati

14 197

14 147

12 067

11 783

Indiċi (2008 = 100)

100

100

85

83

Produttività (unitajiet/sena)

954

903

968

936

Indiċi (2008 = 100)

100

95

102

98

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju, statistika uffiċjali rilevanti

(e)   Tkabbir

(171)

Matul il-perijodu kunsidrat il-konsum naqas b’10 %. Is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni baqa’ relattivament kostanti (b’żieda żgħira biss, jiġifieri bi + 0,7 punti perċentwali matul il-perijodu kunsidrat kif jidher fil-premessa (168)). It-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni jindika li l-produtturi tal-Unjoni ma kellhom l-opportunità jibbenefikaw mill-ebda tkabbir.

(f)   Daqs tal-marġni tad-dumping

(172)

Id-dumping mir-RPĊ kompla matul il-PIR kif spjegat fil-premessi (143) sa (145). Minħabba l-kapaċità żejda kbira fir-RPĊ (ara l-premessa (203)) u ċ-ċirkomvenzjoni li ġiet stabbilita (ara l-premessi (223) u (224)), l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġini reali tad-dumping ma jistax jitqies li hu negliġibbli.

(g)   Irkupru minn dumping fil-passat

(173)

Ġie analizzat jekk l-industrija tal-Unjoni rkupratx mill-effetti ta’ dumping fil-passat. Ġie konkluż li l-irkupru mistenni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti tad-dumping fl-imgħoddi ma seħħx kif jidher, b’mod partikolari, mill-profittabbiltà persistentement baxxa u t-tnaqqis fl-użu tal-kapaċità. L-irkupru tal-industrija tal-Unjoni ġie wkoll imfixkel minn prassi ta’ ċirkomvenzjoni li ġew stabbiliti (ara l-premessa (223) u (224)).

Indikaturi mikroekonomiċi

(h)   Stokkijiet

(174)

L-istokkijiet tar-roti għall-produtturi tal-Unjoni kienu ta’ 517 977 unità sa tmiem il-PIR, ġeneralment stabbli f’relazzjoni mal-livell tagħhom fl-2008 minkejja tnaqqis ta’ 25 % bejn l-2008 u l-2009.

(175)

Xi produtturi tal-Unjoni kellhom livelli ta’ stokkijiet limitati ħafna minħabba li kienu qed ibigħu l-produzzjoni kollha tagħhom lil kumpanniji relatati fil-grupp rispettiv tagħhom. Barra minn hekk, instab li l-produtturi tal-Unjoni jipproduċu l-aktar fuq ordnijiet tal-konsumaturi. L-iżvilupp tal-istokkijiet matul il-perijodu kunsidrat kien mgħawweġ minn dawn il-fatturi kollha u għalhekk dan l-indikatur ma jistax jitqies li huwa affidabbli.

Tabella 9

Stokkijiet

 

2008

2009

2010

RIP

Volum (unitajiet)

 

 

 

 

Stokkijiet tal-għeluq

519 832

390 398

522 779

517 977

Indiċi (2008 = 100)

100

75

101

100

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(i)   Prezzijiet tal-bejgħ u spejjeż

(176)

Il-medja tal-prezz tal-bejgħ ex-works fl-Unjoni baqgħet stabbli matul il-perijodu kunsidrat minkejja żieda ta’ 3 % bejn l-2008 u l-2009. Il-prezz tal-bejgħ fil-PIR reġa’ naqas għal-livell tal-2008.

Tabella 10

Prezz tal-bejgћ ta’ unità fl-Unjoni

 

2008

2009

2010

RIP

Prezz tal-bejgħ ta’ unità fl-UE (EUR)

144

149

146

144

Indiċi (2008 = 100)

100

103

102

100

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(177)

L-ispejjeż tal-produzzjoni ġew ikkalkolati abbażi tal-medja ppeżata tat-tipi kollha tal-prodott simili prodott mill-produtturi fl-Unjoni. Il-kost tal-produzzjoni żdiedet ftit bi 2 % matul il-perijodu meqjus kif jidher fit-Tabella 11 iktar ‘l isfel.

Tabella 11

Spiża tal-produzzjoni ta’ unità

 

2008

2009

2010

RIP

Spiża tal-produzzjoni ta’ unità (EUR kull unità)

141

147

146

145

Indiċi (2008 = 100)

100

104

103

102

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(j)   Profittabbiltà

(178)

Il-livelli ta’ profittabbiltà kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-bejgħ lil konsumaturi mhux relatati. L-industrija tal-Unjoni kienet kważi f’sitwazzjoni ta’ punt ta’ ekwilibriju bejn l-2010 u l-PIR. Kumplessivament, il-profitabbiltà ddeterjorat matul il-perijodu kkunsidrat, u wriet tnaqqis minn 1,9 % fl-2008 għal -0,1 % fil-PIR.

Tabella 12

Profittabbiltà

 

2008

2009

2010

RIP

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni (%)

1,9

1,6

0,3

–0,1

Indiċi (2008 = 100)

100

100

98

98

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(k)   Investimenti u redditu fuq l-investiment

(179)

L-investimenti żdiedu b’mod sinifikanti b’16 % matul il-perijodu kunsidrat, minn EUR 7 952 150 fl-2008 għal EUR 9 263 184 matul il-PIR. Dan jirrifletti l-isforzi kontinwi tal-industrija tal-Unjoni biex iżżid l-effiċjenza tal-proċess tal-produzzjoni u tibqa’ kompetittiva.

(180)

Ir-redditu fuq l-investiment segwa xejra simili bħal dik tal-profitabbiltà. Fl-2008 ir-redditu mill-investiment kien pożittiv (14 %) iżda naqas għal -1 % matul il-PIR.

Tabella 13

Investimenti u Redditu mill-Investiment

 

2008

2009

2010

RIP

Investimenti (EUR 000)

7 952 150

9 421 745

19 288 284

9 263 184

Indiċi (2008 = 100)

100

118

243

116

Redditu mill-investiment (%)

14

11

2

–1

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(l)   Fluss tal-flus u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital

(181)

Il-fluss tal-flus segwa żvilupp simili bħall-profitabbiltà iżda baqa’ pożittiv matul il-perijodu kunsidrat. Jinsab espress fit-Tabella 14 aktar ‘l isfel bħala perċentwali tal-fatturat.

(182)

Il-produtturi tal-Unjoni li kienu parti minn gruppi ikbar biss ma rrappurtaw l-ebda problemi partikolari biex jiġbru kapital. Il-produtturi tal-Unjoni li ma kinux parti minn gruppi ikbar irrapportaw pressjoni akbar fuq is-sitwazzjoni tal-flus tagħhom marbuta mal-profittabbiltà baxxa u d-deterjorament tat-termini kummerċjali kemm tal-fornituri kif ukoll tal-konsumaturi. Il-kapaċità li jinġabar kapital kienet kompromessa aktar mir-riluttanza tal-banek li jiffinanzjaw is-suq tar-roti fil-klima ekonomika attwali.

Tabella 14

Fluss tal-flus

 

2008

2009

2010

RIP

Fluss tal-flus (%)

3,2

3,1

1,8

1,3

Indiċi (2008 = 100)

100

97

99

98

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

(m)   Pagi

(183)

Matul il-perijodu kunsidrat, l-ispiża tal-pagi għal kull impjegat baqgħet ġeneralment stabbli, b’żieda biss fl-2009. Dan huwa dovut l-aktar għall-impatt tat-tnaqqis tal-persunal mill-bilanċ tas-salarji tal-kumpanniji filwaqt li żammew l-impjegati mħarrġa biex iżommu l-effiċjenza u l-kwalità.

Tabella 15

Pagi

 

2008

2009

2010

RIP

Spiża tal-pagi għal kull impjegat (f’EUR)

15 747

17 393

17 383

16 581

Indiċi (2008 = 100)

100

110

110

105

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju

5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(184)

Minkejja l-miżuri fis-seħħ, il-maġġoranza tal-indikaturi tal-ħsara relatati mal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni marru għall-agħar matul il-perijodu kunsidrat. B’mod partikolari, l-indikaturi makroekonomiċi bħall-volumi tal-produzzjoni (-19 %), il-kapaċità ta’ produzzjoni (-5 %), ir-rata tal-użu tal-kapaċità (-14 %) u l-impjiegi (-17 %) naqsu konsiderevolment. Barra minn hekk, l-indikaturi mikroekonomiċi relatati mal-profitt naqsu matul il-perijodu kunsidrat, b’profittabbiltà ta’ -0,1 % fil-PIR.

(185)

Dan ta’ hawn fuq juri li l-industrija tal-Unjoni baqgħet f’sitwazzjoni fraġli, bi profitti dejjem jonqsu u qrib sitwazzjoni ta’ punt ta’ ekwilibriju fl-2010 u l-PIR. Barra minn hekk, kwalunkwe possibbiltà ta’ aktar tkabbir u profitti ġiet mhedda mill-pressjoni tal-importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ u minn importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni (ara l-premessi (223) u (224)).

(186)

Minkejja dan, l-industrija tal-Unjoni rnexxielha żżomm u saħansitra żżid kemxejn is-sehem tagħha fis-suq f’suq li qiegħed jiċkien. Iż-żieda fl-investimenti matul il-perijodu kunsidrat (+ 16 %) turi l-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tibqa’ kompetittiva. Dan flimkien mal-aħħar innovazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni deskritti fil-premessa (248) aktar ‘l isfel juri l-vitalità sottostanti u l-vijabbiltà ekonomika tagħha.

(187)

Fuq din il-bażi, huwa konkluż li l-industrija tal-Unjoni kompliet iġġarrab ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku u baqgħet f’sitwazzjoni vulnerabbli.

(188)

Wara l-iżvelar, xi partijiet argumentaw, billi semmew il-każ tal-Preserved Mandarins (27), li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu passi biex tirrimedja n-nuqqas ta’ ċerta informazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi u meta naqset milli tagħmel hekk il-Kummissjoni kisret l-obbligi proċedurali tagħha skont ir-Regolament bażiku. Aktar minn hekk il-partijiet issuġġerew li tintuża l-istatistika Ċiniża tal-esportazzjoni, li tikkategorizza it-tipi ewlenien ta’ roti esportati lejn is-suq tal-UE mhux bħall-Eurostat, jew biex l-awtoritajiet dogonali nazzjonali tal-ikbar Stati Membri importaturi skont l-Artikolu 6(3) jew (4) tar-Regolament bażiku jintalbu jwettqu analiżi tat-tipi differenti importati mir-RPĊ.

(189)

Kif imsemmi fil-premessi (19) u (20) il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ, lill-assoċjazzjoni tal-produtturi Ċiniżi u lir-rappreżentanti tal-pajjiż konċernat dwar il-ftuħ tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkuntattjat madwar 70 kumpannija Ċiniża li s-servizzi tal-Kummissjoni kienu diġà jafu bihom mill-investigazzjoni preċedenti u fi stadju aktar tard, meta bdiet l-investigazzjoni kontra s-sussidji msemmija fil-premessa (16), il-Kummissjoni identifikat madwar 300 produttur esportatur Ċiniżi addizzjonali li wkoll ġew ikkuntattjati fil-kuntest ta’ dan ir-rieżami interim. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-pajjiż konċernat kienu nnotifikati waqt il-ftuħ tal-investigazzjoni li fil-każ li ma jkunx hemm kooperazzjoni suffiċjenti min-naħa tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni tista’ tibbaża s-sejbiet tagħha fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Kien enfasizzat li sejba bbażata fuq il-fatti disponibbli tista’ tkun inqas vantaġġjuża għall-parti konċernata.

(190)

Fil-kawża tal-Preserved Mandarins l-element analizzat mill-Qorti kien il-grad tal-isforzi li l-Kummissjoni għandha tagħmel biex tikseb informazzjoni pertinenti dwar il-kalkolu tal-valur normali bbażat fuq il-prezz jew il-valur maħdum mill-produtturi domestiċi f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq billi tfittex kooperazzjoni minn swieq potenzjalment analogi identifikati.

(191)

Fl-investigazzjoni attwali, in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni estensiva mill-partijiet li huma realment soġġetti għall-investigazzjoni. Kif imsemmi fil-premessa 186 il-partijiet ġew ripetutament mistiedna jikkooperaw imma ma għamlux hekk. Għalhekk, bil-kontra tal-kawża tal-Preserved Mandarins il-Kummissjoni b’mod attiv u ripetutament fittxet kooperazzjoni mingħand il-partijiet konċernati. Il-parallel bejn il-kawża tal-Preserved Mandarins u l-investigazzjoni attwali għalhekk mhuwiex sostanzjat.

(192)

Il-Kummissjoni vvalutat l-utilità tas-sorsi l-oħra, inkluża l-istatistika tal-esportazzjoni Ċiniża. Ġie konkluż li sorsi alternattivi ma kinux xieraq għal din l-investigazzjoni minħabba l-fatt li l-livell ta’ dettalji ma kienx biżżejjed biex jippermettu kalkoli ta’ marġinijiet ġodda. Barra minn hekk, l-istatistika Ċiniża kienet ukoll inkumpatibbli mal-istatistika tal-Eurostat u kienet turi, pereżempju livell ta’ importazzjonijiet sinifikattivament ogħla minn dak rapportat fl-Eurostat. Is-sorsi alternattivi proposti għalhekk ma setgħux jintużaw. Xi partijiet issuġġerew ukoll li l-Kummissjoni tfittex kooperazzjoni mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali tal-akbar Stati Membri biex twettaq analiżi tal-kategoriji differenti tal-prodott importati mir-RPĊ. Bi tweġiba għal dan l-argument, huwa meqjus li apparti l-impossibbiltà prattika, anki jekk kieku din id-data nġabret, ma setgħetx tissupplimenta l-laguna fl-informazzjoni kkawżata min-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Dan għaliex, b’mod partikolari, il-livell tal-analiżi meħtieġ ma setax jiġi sempliċiment ibbażat fuq il-fatturi, li ma fihomx deskrizzjoni tat-tip ta’ prodott fil-livell ta’ dettall neċessarju għall-komparabbiltà sinifikanti tat-tip ta’ prodott.

(193)

Bosta partijiet argumentaw ukoll li l-Kummissjoni ma għamlitx analiżi tat-taħlita tal-prodott tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, sabiex tagħmel paragun ġust tal-importazzjonijiet ma’ roti prodotti fl-Unjoni għall-finijiet li jsir paragun oġġettiv u ġust fid-determinazzjoni tagħha tal-ħsara tat-twaqqigħ tal-prezz. Barra dan il-partijiet argumentaw li l-Kummissjoni semmiet iċ-ċifra tat-twaqqigħ tal-prezz determinata fl-investigazzjoni preċedenti msemmija fil-Premessa (5) li kienet ġiet ikkalkulata b’referenza għall-prezzijiet medji mill-Eurostat, mingħajr ma kienet magħrufa l-kompożizzjoni reali tal-importazzjonijiet. Barra minn hekk kien argumentat li l-Kummissjoni ma għamlitx sforz biex tiddetermina jekk il-prodotti importati kinux fil-fatt komparabbli mar-roti prodott fl-Unjoni u, għalhekk, l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz tal-Kummissjoni fir-rigward tal-produtturi li ma kooperawx hija difettuża. Għal dawn ir-raġunijiet, il-partijiet argumentaw li irid ukoll jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel valutazzjoni oġġettiva u spjegazzjoni adegwata dwar id-determinazzjoni tagħha li l-industrija tal-Unjoni għadha tbati ħsara materjali.

(194)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li kif imsemmi fil-premessa (160) li t-twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi esportaturi li kooperaw li nstabu li qed iwettqu d-dumping ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz tal-esportazzjoni reali verifikat tagħhom (CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni), kemm bid-dazju tal-antidumping, kif ukoll mingħajru, meta wieħed iqis it-taħlita tal-prodott tal-esportazzjonijiet tagħhom matul il-PIR. Madankollu, peress li l-produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw kienu ftit wisq u, konsegwentement, is-sejbiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li koperaw ma setgħux jitqiesu rappreżentattivi tar-RPĊ kollha kif imsemmi fil-premessa (145), il-livelli tat-twaqqigħ tal-prezz kif stabbiliti fir-rieżami interim li temenda imsemmi fil-premessa (3) ma setgħux jiġi mmodifikati.

(195)

Fid-dawl tan-nuqqas estensiv ta’ kooperazzjoni l-Kummissjoni kellha tiddependi fuq il-fatti disponibbli għad-determinazzjoni tad-dumping, it-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-livelli tal-eliminazzjoni tal-ħsara għall-pajjiż kollu. F’dan il-kuntest il-Kummissjoni qieset sorsi alternattivi ta’ informazzjoni li għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi (192) sa (194) aktar ‘il fuq ma setgħux jintużaw. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ sejbiet kontradittorji, il-livelli tad-dumping għall-pajjiż kollu, it-twaqqiegħ tal-prezzijiet u l-eliminazzjoni tal-ħsara stabbiliti fir-rieżami interim li jamenda msemmi fil-premessa (3) ittieħdu bħala referenza għall-fini ta’ din l-investigazzjoni.

(196)

Huwa kkonfermat li għall-kuntrarju tal-argument tal-partijiet il-livelli ta’ referenza użati kienu dawk stabbiliti matul ir-rieażmi tal-iskadenza mwettaq bir-Regolament (KE) Nru 1095/2005 imsemmi fil-premessa (3) u mhux dawk stabbiliti fir-rieżami tal-iskadenza mwettaq mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011.

(197)

Barra minn hekk, kien argumentat li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-iżbalji doganali nazzjonali preteżi li jimpedixxu paragun ġust tal-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi. Huwa mfakkar li l-ebda paragun tal-prezz sinifikanti ma seta’ jitwettaq fl-investigazzjoni attwali minħabba n-nuqqas estensiv ta’ kooperazzjoni, għalhekk, taħt dawn iċ-ċirkostanzi, l-argument tqies irrilevanti.

F.   NATURA DEWWIEMA TA’ ĊIRKUSTANZI MIBDULA U PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING U ĦSARA

1.   Dumping

(198)

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, kien analizzat jekk iċ-ċirkostanzi rigward id-dumping u l-ħsara nbiddlux sinifikattivament, u jekk din il-bidla jistax raġonevolment jingħadd li hija ta’ natura dewwiema.

(199)

It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw ġew soġġetti għar-rata ta’ dazju reżidwu fl-investigazzjoni preċedenti filwaqt li fl-investigazzjoni attwali ġew ikkalkulati rati ta’ dazju individwali għalihom. Kif imsemmi fil-premessi (113) u (115), it-tliet produtturi esportaturi fir-RPĊ issodisfaw ir-rekwiżiti kollha għal trattament individwali. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl li turi li s-sitwazzjoni tal-produtturi esportaturi li kooperaw konċernati tista’ tinbidel fil-futur prevedibbli.

(200)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li s-sistema Ċiniża tal-kwoti tal-esportazzjoni applikabbli matul ir-rieżami interim li jemenda ġiet abolita mill-Gvern tar-RPĊ u x’aktarx mhux se tiġi riinstallata, b’mod partikolari wkoll minħabba li l-politiki tal-gvern għas-settur tar-roti huma orjentati lejn l-esportazzjoni kif indirizzati fil-premessa (203). Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li l-imġiba tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ dawn it-tliet kumpanniji se tinbidel b’mod sinifikanti fil-futur prevedibbli.

(201)

Għalhekk, huwa meqjus li ċ-ċirkostanzi mibdula li wasslu għall-marġinijiet tad-dumping ikkalkolati għat-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li kooperaw huma ta’ natura dewwiema.

(202)

Rigward id-dazju għall-pajjiż kollu għar-RPĊ, l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda ċirkostanza mibdula u huwa propost li jinżamm l-istess livell ta’ dazju kif stabbilit matul ir-rieżami interim li jemenda.

(203)

Ġie eżaminat ukoll jekk it-tkomplija tal-impożizzjoni tal-miżura għadhiex aktar meħtieġa biex jiġi paċut id-dumping. Skont l-Assoċjazzjoni Ċiniża tar-Roti, il-produzzjoni totali ta’ roti mill-RPĊ laħqet it-83,45 miljun unità fl-2011, żieda ta’ 2,3 % meta mqabbel mal-2010. Barra minn hekk, l-industrija tar-roti Ċiniża baqgħet orjentata lejn l-esportazzjoni. Għalhekk fl-2011, ir-RPĊ esportat 55,72 miljun rota jew 67 % tal-produzzjoni totali, tnaqqis ta’ 4,2 % mill-2010. Il-bejgħ domestiku kien madwar 23,73 miljun unità fl-2011. L-aktar reġjun importanti ta’ produzzjoni fir-RPĊ huwa Tianjin li produċa madwar nofs il-produzzjoni totali fl-2011. Skont il-Pjan tal-Muniċipju ta’ Tianjin għall-Iżvilupp tal-Industrija tat-Tessuti u l-Industrija Leġġera għat-12-il pjan ta’ ħames snin, f’din iż-żona qed jiġu żviluppati oqsma industrijali ġodda speċjalizzati fil-produzzjoni tar-roti. Minn dan isegwi li sal-2015 il-kapaċità tal-produzzjoni tar-roti fiż-żona ta’ Tianjin hija stmata li tlaħħaq il-55 miljun rota, żieda ta’ 44 % meta mqabbla mal-2011 filwaqt li madwar nofs il-produzzjoni se tkun għall-esportazzjoni (iżjed mill-konsum totali ta’ roti fl-Unjoni fil-PIR).

(204)

Barra minn hekk, it-tliet kumpanniji li kooperaw irrappurtaw rata ta’ użu tal-kapaċità ta’ bejn 72 % u 81 % matul il-PIR. Permezz tal-estrapolazzjoni, nistgħu nistmaw kapaċità żejda tal-industrija Ċiniża ta’ aktar minn 25 miljun rota, li hija aktar mid-doppju tal-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni matul il-PIR u 24 % ogħla mill-konsum totali tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba li l-produzzjoni tar-roti tirrikjedi ħafna ħaddiema, jidher li minħabba forza tax-xogħol sinifikattivament irħisa disponibbli fir-RPĊ, il-produtturi Ċiniżi huma kapaċi jibnu kapaċità ġdida pjuttost malajr.

(205)

Barra minn hekk, f’termini ta’ volum, is-suq tal-Unjoni huwa t-tieni l-akbar fid-dinja, wara s-suq Ċiniż u dan jagħmel lill-Unjoni attraenti ħafna f’termini ta’ potenzjal ta’ domanda.

(206)

Is-sejbiet fl-investigazzjoni ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni (ara l-premessa (14)(14)) tikkonferma li s-suq tal-Unjoni għadu suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi u li fin-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jerġgħu jimmiraw volumi sinifikanti lejn l-Unjoni.

(207)

Barra minn hekk, swieq tal-esportazzjoni importanti potenzjali oħra għar-RPĊ għandhom fis-seħħ miżuri tal-antidumping (il-Kanada (28)) li qed inaqqsu l-potenzjal tas-swieq ta’ pajjiżi terzi disponibbli għall-esportazzjonijiet Ċiniżi mingħajr dazji.

(208)

Huwa mfakkar li fl-imgħoddi l-Istati Uniti kellhom produzzjoni domestika tar-roti u kellhom dazji tal-antidumping fis-seħħ kontra l-RPĊ. Madankollu, wara li d-dazji tal-antidumping ġew revokati fl-aħħar tad-disgħinijiet (90s), fis-suq tal-Istati Uniti daħlu importazzjonijiet Ċiniżi b’mod massiv. Il-produzzjoni domestika kważi spiċċat għal kollox fis-snin ta’ wara. Fl-2011 ġie stmat li 99 % tar-roti mibjugħa fl-Istati Uniti kienu importati; 93 % mir-RPĊ u 6 % mit-Tajwan. Il-produzzjoni domestika tar-roti fl-Istati Uniti hija stmata għal madwar 56 000 unità fis-sena b’konsum annwali ta’ madwar 16-il miljun rota. Is-suq totali tar-roti tal-Istati Uniti (inkluż il-bejgħ tal-komponenti u l-aċċessorji relatati) kien ivvalutat għal USD 6 biljun fl-2011.

(209)

Bħala konklużjoni, l-industrija Ċiniża tar-roti hija orjentata lejn l-esportazzjoni bi preċedent ta’ mġiba inġusta fl-ipprezzar f’diversi swieq madwar id-dinja. Barra minn hekk, is-sejbiet fl-investigazzjoni ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni konfermaw li l-interess tal-esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni kompla. Barra minn hekk, din l-imġiba tissuġġerixxi li jekk il-miżuri jiġu revokati, is-suq tal-Unjoni wisq probabbli jkunu fil-mira ta’ importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx bil-ħsieb li jiddominaw is-suq domestiku. Għalhekk jista’ jiġi konkluż li t-tkomplija tal-impożizzjoni tal-miżuri għadha meħtieġa biex tpaċi d-dumping.

(210)

Wara l-iżvelar kien argumentat li l-analiżi injorat il-fatt li t-tkabbir fil-produzzjoni fir-RPĊ qed jiġi ristrett mid-disponibbiltà ta’ ħaddiema u li r-RPĊ qed titlef il-vantaġġ fil-kost lavorattiv tagħha minħabba pajjiżi sud-Asjatiċi oħra li joperaw taħt ftehimiet kummerċjali preferenzjali. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni l-argument ma kienx verifikabbli u għalhekk twarrab.

2.   Ħsara

(211)

F’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet għal ftuħ tar-rieżami interim ex officio, l-investigazzjoni eżaminat dawn il-bidliet fl-istruttura tal-industrija tar-roti tal-UE: (i) bidla minn ċiklu komplut ta’ produzzjoni għal operazzjonijiet ta’ mmuntar (parzjali) bl-użu ta’ komponenti importati; (ii) bidla fil-livell tal-ispejjeż minħabba t-tkabbir u r-rilokazzjoni u t-twaqqif ta’ faċilitajiet ġodda tal-produzzjoni fiċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa; (iii) żieda fil-bidla fl-użu ta’ materja prima minn azzar għal liga b’segwitu tax-xejriet tal-konsumaturi. Bħala riżultat tas-sejbiet spjegati fil-premessa (162), l-iżviluppi kollha msemmija aktar ‘il fuq għadhom għaddejjin u huma ta’ natura globali u għalhekk mhuwiex probabbli li jinbidlu fil-futur prevedibbli.

(212)

Rigward il-valutazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni tal-ħsara, minħabba s-sitwazzjoni diġà fraġli tal-industrija tal-Unjoni, deskritta fil-premessi (184) sa (187), huwa wkoll probabbli li l-produtturi tal-Unjoni mhux se jkunu kapaċi jirreżistu għall-pressjoni ulterjuri tal-prezzijiet li tkun eżerċitata mill-importazzjonijiet iddampjati Ċiniżi u bħala konsegwenza se jkunu sfurzati joħorġu fis-suq tal-Unjoni bil-konsegwenza ta’ telf ta’ impjieg u investimenti, teknoloġija u kompetenzi (ara l-premessi (247) u (248)). Għalhekk jista’ jiġi konkluż li f’dan il-każ hemm probabbiltà li l-ħsara tkompli jekk jiġu revokati l-miżuri.

Kummenti mill-partijiet

(213)

Xi partijiet argumentaw li l-industrija tal-Unjoni mhijiex qiegħda ġġarrab ħsara materjali peress li l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku tissuġġerixxi li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha hija tajba. Għandu jiġi nnutat li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni hija vvalutata fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura u vverifikata matul l-investigazzjoni minn kampjun rappreżentattiv ta’ produtturi tal-Unjoni. Din il-valutazzjoni ma tistax tiġi ssostitwita b’informazzjoni disponibbli għall-pubbliku relatata ma’ xi produtturi tal-Unjoni anki jekk il-valur tal-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom allegatament huwa kbir. Għalhekk, is-sejbiet tal-investigazzjoni analizzati fil-premessi (162) sa (187) jikkontradixxu l-informazzjoni sottomessa minn dawn il-partijiet. Għalhekk, l-argumenti tagħhom tqiesu li kienu bla fundament.

(214)

Kien argumentat ukoll li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tal-antidumping kontra r-RPĊ tkun diskriminatorja peress li importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra li allegatament huma ddampjati u jikkawżaw ħsara, b’mod partikolari mis-Sri Lanka, mhux qed jittieħdu miżuri tal-antidumping kontrihom. Bħala riżultat tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-miżuri tal-antidumping ġew estiżi għal importazzjonijiet ta’ roti, fost l-oħrajn mis-Sri Lanka. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza li turi li l-produtturi ġenwini fil-pajjiż konċernat kienu qed jiddampjaw. Għalhekk, l-argument mill-parti tqies bħala wieħed bla bażi u ma ġiex aċċettat.

G.   KAWŻALITÀ

1.   Introduzzjoni

(215)

Skont l-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Komunità kinitx ikkawżata mill-importazzjonijiet iddampjati konċernati. Fatturi magħrufin oħra minn barra l-importazzjonijiet iddampjati, li setgħu fl-istess ħin għamlu ħsara lill-industrija tal-Unjoni, ġew eżaminati wkoll biex ikun żgurat li l-ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi ma tiġix attribwita lill-importazzjonijiet iddampjati. B’mod partikolari ġew analizzati r-riżultati tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni.

2.   Effett tal-importazzjonijiet iddampjati Ċiniżi

(216)

L-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu matul il-perijodu kunsidrat, u rrappreżentaw 2,9 % mis-sehem tas-suq fil-PIR. Dan is-sehem mis-suq relattivament baxx u li qed jonqos għandu jitqies fil-kuntest tal-importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija (ara l-premessa (223) u (224))

(217)

Kif imsemmi fil-premessa (160), ġie konkluż li l-importazzjoni mir-RPĊ baqgħu jitwaqqgħu b’mod sinifikanti taħt il-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u b’hekk ipoġġu pressjoni sinifikanti fuq il-livell tal-prezz fis-suq tal-Unjoni.

(218)

Fl-istess ħin, ħafna mill-indikaturi tal-ħsara wrew xejra ta’ tnaqqis, b’mod partikolari fil-produzzjoni (– 19 %) u l-volum tal-bejgħ (– 9 %), il-kapaċità (– 5 %) u l-użu tal-kapacità (– 14 %).

(219)

Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset matul il-perijodu kunsidrat bl-industrija tal-Unjoni qrib il-punt tal-ekwilibriju anke minħabba l-pressjoni tal-prezzijiet Ċiniżi. Minħabba dan, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħolli l-prezzijiet għal livelli ta’ profitt mingħajr ma titlef sehem sinifikanti mis-suq.

(220)

Huwa għalhekk konkluż li l-pressjoni eżerċitata mill-importazzjonijiet ta’ roti bi prezzijiet iddampjati kellhom impatt deċiżiv fuq is-sitwazzjoni ekonomika vulnerabbli attwali tal-industrija tal-Unjoni.

(221)

Wara l-iżvelar kien argumentat li r-rilevanza tat-tnaqqis fil-livelli tal-produzzjoni u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ma kinetx ġustifikata b’mod adegwat, b’mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li t-tnaqqis fil-produzzjoni kien ikkunsidrat li ma kellu l-ebda impatt fuq il-profittabbiltà. Huwa nnutat li l-elementi kollha tal-ħsara huma rilevanti għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kemm jekk ikollhom jew jekk ma jkollhomx impatt fuq il-livelli ta’ profittabbiltà fil-każ partikolari. Kif spjegat fil-premessa (237) it-tnaqqis fil-profittabbiltà u ta’ indikaturi oħra tal-profittabbiltà relatati ma kienx ikkawżat mit-tiċkin tas-suq iżda jista’ jiġi attribwit għall-pressjoni kontinwata tal-importazzjonijiet iddampjati Ċiniżi. L-argument għalhekk ġie miċħud.

(222)

L-istess parti argumentat ukoll li l-evoluzzjoni tas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma kinetx analizzata adegwatament għax l-analiżi ma indirizzatx it-tnaqqis drastiku fl-importazzjonijiet matul il-perijodu kkunsidrat. Ġie wkoll argumentat li l-analiżi tal-kawżalità naqset milli tqis ix-xejriet tal-prezz dejjem jiżdied ta’ dawn l-esportazzjonijiet. Bħala tweġiba għal dan l-argument huwa mfakkar li t-tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi jridu jitqiesu fil-kuntest tas-sejbiet tal-investigazzjoni parallela ta’ kontra ċ-ċirkomvenzjoni (ara l-premessa (216)). Ix-xejra tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi stabbilita fuq il-bażi tal-Eurostat mhijiex sinifikanti peress li ma tqisx l-iżvilupp tal-prezz tal-importazzjonijiet ta’ roti Ċiniżi permezz tal-pajjiżi ta’ cirkomvenzjoni. Għalhekk l-argument ġie miċħud fuq din il-bażi.

3.   Effett ta’ importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni

(223)

Kif imsemmi fil-premessa (15), l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni stabbilixxiet ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ kontra r-RPĊ b’operazzjoni ta’ mmuntar u trasbord vija l-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija. Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, id-differenza bejn il-volumi tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati rapportati fl-Eurostat u l-volumi esportati minn produtturi ġenwini magħrufa, jiġifieri dawk li jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi għar-raġunijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 501/2013 ġew ikkunsidrati bħala importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri fis-seħħ (“importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni”).

(224)

Fil-kuntest tal-analiżi tal-kawżalità, dawn l-importazzjonijiet tqiesu bħala li effettivament joriġinaw miċ-Ċina u għalhekk għandhom jitqiesu flimkien mal-importazzjonijiet diretti miċ-Ċina. Fuq din il-bażi, il-volum stabbilit tal-importazzjonijiet Ċiniżi laħaq 1 904 761 unità fil-PIR. Fl-2008, l-importazzjonijiet laħqu 2 321 240 unità. Fl-2009 naqsu għal 1 802 101 unità, jiġifieri bi 22 % u fl-2010 żdiedu għal kważi l-istess livelli tal-2008, u laħqu 10,6 % ta’ sehem mis-suq. Finalment, l-importazzjonijiet reġgħu naqsu fil-PIR bi 13 %, u laħqu sehem mis-suq ta’ 9,5 %. Matul il-perijodu kunsidrat, il-volumi tal-importazzjonijiet naqsu bi 18 %. Fil-kuntest ta’ suq li qed jiċkien (ara l-premessa (153)), it-tnaqqis deskritt fil-volumi tal-importazzjonijiet ma rriżultax f’telf sinifikanti mis-sehem tas-suq minħabba li tal-aħħar naqas biss b’0,8 % matul il-perijodu kunsidrat. Billi t-taħlita tal-prodotti tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u l-importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni mhumiex magħrufa, ma jagħmilx sens li jitqabblu l-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

Tabella 16

Importazzjonijiet mir-RPĊ flimkien ma’ importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni mill-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija

 

2008

2009

2010

RIP

Volum ta’ importazzjonijiet (unitajiet)

2 321 240

1 802 101

2 194 354

1 904 761

Indiċi (2008 = 100)

100

78

95

82

Sehem mis-suq (%)

10,3

8,8

10,6

9,5

Sors:

Eurostat

(225)

Wara l-iżvelar xi partijiet argumentaw li l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni kienet difettuża għax kienet ibbażata biss fuq l-effetti tal-volum u għalhekk kienet nieqsa minn kwalunkwe tqabbil tal-prezzijiet ibbażat fuq analiżi tat-taħlita tal-prodott. Ġie allegat li dan in-nuqqas ta’ analiżi kien riżultat ta’ nuqqas proċedurali minħabba li l-analiżi tat-taħlita tal-prodott tħalliet barra minkejja l-kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi mill-pajjiżi konċernati. Barra minn hekk, kien allegat li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi lejn l-Unjoni kien jikkonċerna roti rħas tat-tfal jew roti oħra li ma jikkompetux mar-roti prodotti fl-Unjoni. Bħala tweġiba għal dan l-argument, huwa nnutat li l-analiżi tat-taħlita tal-prodott ma setgħetx titwettaq għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (192). Barra minn hekk, il-maġġoranza tal-importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni kienu trażbordi f’każijiet li għalihom ma kinitx disponibbli informazzjoni dwar it-taħlita tal-prodott. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li nstab li l-produtturi tal-Unjoni jipproduċu s-segmenti kollha tal-prodotti; għalhekk, l-argument dwar l-allegati l-importazzjonijiet ta’ roti tat-tfal u ta’ roti rħas li ma joffrux kompetizzjoni nstab li ma kienx sostanzjat.

4.   Effett ta’ fatturi oħra

4.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(226)

Importazzjonijiet totali minn pajjiżi terzi oħra kienu jammontaw għal 6 931 333 unità matul il-PIR. Dan il-livell ta’ importazzjonijiet irrifletta żieda żgħira ta’ 1 % matul il-perijodu kunsidrat.

(227)

Minħabba tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra baqa’ pjuttost stabbli, u laħaq 34 % fil-PIR.

(228)

It-Tajwan baqa’ l-pajjiż ewlieni tal-esportazzjoni lejn l-Unjoni b’sehem mis-suq relattivament kostanti tul il-perijodu kunsidrat u li jirrappreżenta 14 % tal-konsum tal-Unjoni matul il-PIR.

(229)

It-Tajlandja huwa t-tieni l-akbar pajjiż esportatur fl-Unjoni. Is-sehem fis-suq tiegħu naqas b’2 punti perċentwali matul il-perijodu kunsidrat, jiġifieri minn 7 % fl-2008 għal 5 % fil-PIR.

(230)

Kif ingħad fil-premessa (157), il-prezzijiet fl-Eurostat ma jikkunsidrawx it-taħlit tal-prodotti varji minn kull pajjiż u għalhekk jintużaw indiċijiet biss biex jindikaw ix-xejriet tal-prezzijiet. Billi t-taħlita tal-prodotti tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra mhijiex magħrufa, ma jagħmilx sens li jitqabblu l-prezzijiet ta’ dawn l-importazzjonijiet ma’ dawk tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni.

(231)

Madankollu, ta’ min jinnota li l-importazzjonijiet mit-Tajwan biss jaqbżu l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi (importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni inklużi). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-importazzjonijiet tar-roti mit-Tajwan huma ġeneralment immirati lejn in-naħa għolja tal-ispettru tas-suq u ma tressqet l-ebda evidenza bil-kuntrarju. Għalhekk huwa konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu bħala kawża ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

(232)

Bosta partijiet argumentaw li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra saru bi prezzijiet aktar baxxi minn dawk tal-importazzjonijiet Ċiniżi u għalhekk l-importazzjonijiet Ċiniżi ma kkawżawx il-ħsara materjali li ġarrbet l-industrija tal-Unjoni. Dan l-argument ma setax jiġi aċċettat minħabba li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni ma jistgħux jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-Eurostat għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (157) u għalhekk ma setgħetx toħroġ konklużjoni fuq din il-bażi.

(233)

Parti oħra argumentat li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi soġġetti għas-Sistema ta’ Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) mill-1 ta’ Jannar 2011 ‘il quddiem huma mistennija jiżdiedu (il-Kambodja u l-Bangladexx). Madankollu, l-impatt fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-kwantitajiet u l-effett fuq is-suq tal-Unjoni ma jistgħux jiġu evalwati a priori. Barra minn hekk, ebda informazzjoni ma kienet disponibbli dwar il-ħila ta’ dawn il-pajjiżi li jżidu l-kapaċità ta’ produzzjoni u l-volum ta’ bejgħ fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-ebda konklużjoni soda ma tista’ toħroġ fuq din il-bażi u dan l-argument kellu jiġi rrifjutat.

(234)

Wara l-iżvelar il-partijiet argumentaw li l-analiżi tal-impatt tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi bi ftehimiet kummerċjali preferenzjali ma kinetx indirizzata kif xieraq peress li ngħad li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi kienu sinifikanti f’termini ta’ volumi meta mqabbla mal-importazzjonijiet Ċiniżi u xi wħud minnhom ukoll bi prezzijiet sinifikattivament orħos. F’dan il-kuntest huwa mfakkar li r-RPĊ hija t-tieni l-akbar importatur fl-Unjoni. L-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra kienu kollha inqas mill-volumi tal-importazzjonijiet tar-roti Ċiniżi. Ukoll, l-ebda allegazzjoni ta’ dumping ma tressqu kontra dawn il-pajjiżi. Għalhekk, ġie konkluż li l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi terzi ma setgħux ikollhom impatt b’tali mod li tkisser ir-rabta kawżali stabbilita bejn il-volumi kbar ta’ importazzjonijiet iddampjati miċ-Ċina li seħħu fl-istess żmien meta kienet qed tkompli l-ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni. L-argument ġie miċħud għal dawn ir-raġunijiet.

Tabella 17

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn  (*)

 

2008

2009

2010

RIP

 

Unitajiet

Sehem mis-suq

Prezz

EUR/unità

Unitajiet

Sehem mis-suq

Prezz

EUR/unità

Unitajiet

Sehem mis-suq

Prezz

EUR/unità

Unitajiet

Sehem mis-suq

Prezz

EUR/unità

It-Tajwan

3 428 043

15  %

 

2 949 433

14  %

 

3 458 448

17  %

 

2 864 114

14  %

 

Indiċjati

100

100

100

86

94

126

101

110

125

84

93

151

It-Tajlandja

1 522 209

7  %

 

1 384 410

7  %

 

1 234 123

6  %

 

993 952

5  %

 

Indiċjati

100

100

100

91

99

118

81

88

114

65

73

113

Oħrajn

2 746 124

12  %

66

2 838 962

14  %

73

2 847 164

14  %

80

3 077 535

15  %

80

Indiċjati

100

100

100

103

113

111

104

113

122

112

125

121

Total

7 696 376

34  %

99

7 172 805

35  %

116

7 539 735

36  %

122

6 935 601

34  %

132

Indiċjati

100

100

100

93

102

118

98

106

124

90

101

134

4.2.   Żvilupp tal-konsum

(235)

Kif imsemmi fil-premessa (153), mill-2008 sal-PIR, il-konsum naqas b’10 %. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni żammet u anke żiedet daqsxejn is-sehem mis-suq tagħha (ara l-premessa (168)). Għalhekk, is-suq li qed jiċkien ma jistax ikun sors ta’ ħsara.

4.3.   Kriżi ekonomika u kundizzjonijiet klimatiċi

(236)

Xi partijiet argumentaw li l-kundizzjonijiet ekonomiċi negattivi prevalenti fl-Unjoni kellhom impatt fuq l-imġiba tax-xiri tal-konsumaturi matul il-perijodu kunsidrat. Ġie argumentat ukoll li l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fl-Unjoni fl-2011 kellhom, tal-anqas effett parzjali fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. Dawn il-fatturi allegatament irriżultaw fi tnaqqis kumplessiv fil-konsum tar-roti fl-Unjoni.

(237)

Fil-fatt l-investigazzjoni verament żvelat tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni matul il-perijodu kunsidrat. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa (234), it-tiċkin tas-suq ma jistax jiġi kkunsidrat bħala sors ta’ ħsara.

(238)

Dawn il-partijiet argumentaw ukoll li l-produzzjoni u l-impjieg naqsu biss biex isegwu x-xejra tal-konsum u mhux minħabba l-importazzjonijiet iddampjati. Madankollu, peress li l-industrija tar-roti ma għandhiex spejjeż fissi għolja, it-tnaqqis fil-produzzjoni ma kellux impatt fuq il-profittabbiltà tal-industrija tar-roti tal-Unjoni. Fir-rigward tal-impjiegi dan seħħ minħabba l-proċess ta’ ristrutturar li sar mill-industrija tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ dan l-iżvilupp ma jispjegax ix-xejriet negattivi għal indikaturi oħra ta’ ħsara.

4.4.   Importazzjonijiet mhux iddampjati

(239)

L-importazzjonijiet mhux iddampjati minn produttur esportatur li kkoopera rrappreżentaw kwantitajiet negliġibbli, jiġifieri qrib iż-0 % tal-importazzjonijiet totali mir-RPĊ u għalhekk dawn ma setgħux ikollhom effett distingwibbli fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.5.   Roti elettriċi

(240)

Kien argumentat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Unjoni kienet ikkawżata mill-iżvilupp ta’ roti elettriċi li allegatament kienu qegħdin jissostitwixxu l-prodott konċernat. Madankollu, l-iżvilupp tar-roti elettriċi huwa riċenti ħafna u rappreżenta biss il-volum ta’ bejgħ marġinali matul il-PIR. Għalhekk, ma setax kellhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.

4.6.   L-effett tal-bidliet strutturali

(241)

Wara l-iżvelar waħda mill-partijiet argumentat li l-Kummissjoni naqset milli tanalizza l-impatt ta’ bidliet strutturali rikonoxxuti tas-suq u tal-industrija tal-Unjoni fl-analiżi tagħha tal-ħsara u tal-kawżalità. Bħala eżempju kien argumentat li l-Kummissjoni naqset milli tindirizza l-impatt tal-fatt li l-produzzjoni resqet lejn il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa fl-analiżi tagħha tal-ispiża tal-produzzjoni. Bi tweġiba ta’ dan l-argument, ta’ min jinnota li saret l-analiżi tan-natura dewwiema tal-bidliet (ara l-premessa (162)) u ġie konkluż li l-bidliet huma ta’ natura dewwiema (ara l-premessa (211)). Għal din ir-raġuni, twettqet analiżi ġdida tal-ħsara fuq il-bażi ta’ kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni magħżul biex jirrifletti l-bidliet strutturali. Għalhekk, huwa meqjus li l-impatt ta’ dawn il-bidliet tqis kif xieraq fl-analiżi tal-ħsara u l-kawżalità. L-argument għalhekk ġie miċħud.

4.7.   Konklużjoni

(242)

Minkejja t-tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni, instab li kienu qed jidħlu fis-suq tal-Unjoni volumi sostanzjali ta’ importazzjonijiet diretti jew ta’ ċirkomvenzjoni ta’ roti Ċiniżi ddampjati. Is-sehem sinifikanti mis-suq pjuttost stabbli ta’ dawn l-importazzjonijiet matul il-perijodu kunsidrat ħabat ma’ perijodu ta’ vulnerabbiltà ekonomika kontinwa għall-industrija tal-Unjoni (ara l-premessi (184) sa (187)). Ġie konkluż, għalhekk, li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mir-RPĊ (diretti u ta’ ċirvomkenzjoni) u l-ħsara materjali mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(243)

Ġew ikkunsidrati fatturi oħra bħall-impatt tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra, l-iżvilupp tal-konsum, il-kriżi ekonomika u l-kondizzjonijiet klimatiċi, l-importazzjonijiet mhux iddampjati, l-iżvilupp tar-roti elettroniċi. L-ebda minn dawn il-fatturi ma nstab sinifikanti biżżejjed biex jikser ir-rabta kawżali stabbilita bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi ddampjati u l-ħsara materjali mġarrba.

(244)

Abbażi tal-analiżi ta’ hawn fuq, li għamlet distinzjoni xierqa u sseparat l-effetti tal-fatturi kollha magħrufin dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni mill-effetti ta’ ħsara tal-importazzjonijiet iddampjati, ġie konkluż li l-importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ flimkien mal-importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni kkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

H.   INTERESS TAL-UNJONI

1.   Introduzzjoni

(245)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjoni dwar l-iddampjar ta’ ħsara, kinux jeżistu raġunijiet superjuri biex jiġi konkluż b’mod ċar li ma jkunx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti l-miżuri tal-antidumping kontra l-importazzjonijiet mir-RPĊ bir-rati stipulati aktar ‘l isfel (ara l-premessa (279)).

(246)

Għandu jiġi mfakkar li, fl-investigazzjonijiet preċedenti, l-adozzjoni ta’ miżuri ma kinitx ikkunsidrata li tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li din l-investigazzjoni hija rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, u għalhekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri tal-antidumping diġà kienu fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet konċernati mill-miżuri tal-antidumping attwali.

(247)

Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq l-apprezzament tal-bosta interessi involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-komponenti tar-roti, l-importaturi mhux relatati u l-utenti.

2.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(248)

L-investigazzjoni wriet li l-industrija għadha f’sitwazzjoni fraġili. Minħabba l-volum sostanzjali ta’ importazzjonijiet iddampjati mir-RPĊ u l-probabbiltà li d-dumping u l-ħsara jissuktaw, hemm probabbiltà qawwija li l-produzzjoni tal-Unjoni tista’ tinqered jekk il-miżuri jiġu revokati.

(249)

L-industrija tal-Unjoni tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni teknoloġika u l-ispin-offs, bħalma huma l-EPACs (Electronically Power Assisted Cycles - Roti Assistiti Elettronikament b’Mutur) u r-roti elettroniċi, li ġew żviluppati reċentement u li ma jistgħux ikunu ekonomikament vijabbli mingħajr ma jkun hemm industrija tar-roti fl-Unjoni. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni tikkontribwixxi lejn l-għanijiet ambjentali bħat-titjib ekoloġiku tat-trasport u d-dekarbonizzazzjoni.

(250)

L-industrija tal-Unjoni hija wkoll il-mutur għal industriji relatati, bħall-produzzjoni tal-komponenti tar-roti, l-aċċessorji tar-roti u servizzi relatati. B’kollox l-industrija tal-Unjoni tiġġenera direttament u indirettament bejn 60 000 u 70 000 impjieg fis-suq tal-Unjoni.

(251)

L-industrija tal-Unjoni għamlet sforzi biex tirristruttura u investiet fl-innovazzjoni, li jintilfu kemm-il darba l-industrija tal-Unjoni tispiċċa. Għall-kuntrarju, bil-miżuri fis-seħħ, l-industrija tal-Unjoni għandha tkun kapaċi żżomm u saħansitra żżid il-volum tal-bejgħ u b’hekk tiġġenera r-redditu meħtieġ mill-investimenti li jippermettilha tkompli tirriinvesti f’teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni.

(252)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessi (184) sa (187), wieħed jista’ jistenna li mingħajr miżuri s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni x’aktarx li tiddeterjora b’mod sinifikanti u fl-aħħar mill-aħħar tirriskja l-għeluq tal-produzzjoni. Għalhekk, il-miżuri tal-antidumping huma fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

3.   Interess tal-produtturi tal-komponenti tar-roti

(253)

L-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Komponenti tar-Roti (COLIPED) ippreżentat lilha nnifisha matul l-investigazzjoni. Il-COLIPED ipprovdiet informazzjoni li hemm madwar 370 kumpannija fl-Unjoni, li jissupplixxu komponenti lill-produtturi tar-roti u li jimpjegaw madwar 16 000 ruħ. L-industrija tal-forniment tiddependi fuq il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni tar-roti fl-Unjoni.

(254)

53 produttur ta’ komponenti tar-roti ppreżentaw ruħhom favur il-miżuri, u dawn jirrappreżentaw 39 % tal-EUR 1,2 biljun estimati tal-fatturat totali tal-industrija tal-komponenti tar-rota. Il-produtturi tal-komponenti tar-roti qed jibbenefikaw mill-estensjoni tal-miżuri eżistenti għall-komponenti essenzjali tar-roti (ara l-premessa (1)). L-iskema ta’ eżenzjoni eżistenti (ara l-premessa (1)) tinkoraġġixxi l-produzzjoni lokali tal-komponenti tar-roti billi tillimita l-kontenut ta’ komponenti tar-roti Ċiniżi użati għal anqas minn 60 % tal-valur totali. Minħabba l-miżuri fis-seħħ, l-industrija tal-Unjoni kienet kapaċi tiżviluppa u tinvesti fi proġetti ġodda bil-għan li terġa’ tibda l-produzzjoni ta’ ċerti komponenti essenzjali fl-Unjoni.

(255)

F’dan ir-rigward, instab li mingħajr il-miżuri u bl-għeluq mistenni tal-produzzjoni tar-roti fl-Unjoni, l-industrija tal-komponenti tar-roti fl-Unjoni wkoll se tbati konsegwenzi negattivi għaliex se titlef il-konsumaturi tagħha. Għaldaqstant qed jiġi konkluż li l-impożizzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tkun fl-interess tal-industrija tal-komponenti tar-roti.

4.   Interess tal-utenti/konsumaturi

(256)

Il-Federazzjoni Ewropea taċ-Ċiklisti (ECF), federazzjoni li tkopri l-assoċjazzjonijiet nazzjonali taċ-ċiklisti fl-Ewropa, appoġġjat l-issuktar tal-miżuri tal-antidumping fis-seħħ. L-ECF argumentat li l-produzzjoni lokali hija fl-interess tal-konsumaturi minħabba li tiżgura l-kwalità u s-sikurezza kif ukoll servizzi speċjalizzati għall-konsumaturi.

(257)

L-ECF argumentat li żieda fl-importazzjonijiet mir-RPĊ jkollha impatt negattiv fuq l-istandards għolja ta’ kwalità u sikurezza fl-Unjoni bi żvantaġġ għall-konsumaturi.

(258)

L-impatt tad-dazji tal-antidumping fuq il-prezz għall-konsumatur huwa stmat li ma jkunx sinifikanti minħabba li l-maġġoranza tal-produtturi tar-roti tal-Unjoni joperaw taħt l-iskema tal-eżenzjoni filwaqt li l-komponenti essenzjali tar-roti jistgħu jiġu importati mir-RPĊ mingħajr ebda dazju sa 60 % tal-valur totali tal-komponenti użati.

(259)

Ta’ min ifakkar li, fl-investigazzjoni preċedenti, instab li l-impatt tal-miżuri ma jkunx sinifikanti għall-utenti/konsumaturi. Minkejja l-eżistenza tal-miżuri, hija disponibbli provvista ta’ roti mill-RPĊ, kif ukoll minn pajjiżi mingħajr miżuri. Qiegħed għalhekk jiġi konkluż li l-miżuri tal-antidumping ma għandhomx impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti fl-Unjoni.

(260)

Wara l-iżvelar waħda mill-partijiet argumentat li l-analiżi naqset milli tqis l-impatt negattiv tal-miżuri fuq l-utenti fil-forma ta’ spejjeż addizzjonali kkawżati mill-miżuri. Huwa nnutat li l-ECF li tirrappreżenta lill-konsumaturi ppreżentat ruħha b’appoġġ għall-miżuri għall-raġunijiet ta’ kwalità u sikurezza (ara l-premessa (255)). Ukoll, bis-saħħa tal-iskema tal-eżenzjonijiet il-konsumaturi diġà jibbenefikaw minn prezz imnaqqas għal ċerti komponenti tar-roti (ara l-premessa (257)). Għalhekk, ġie konkluż li dan l-argument mhux sostenibbli.

5.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(261)

Ħadd mill-importaturi mhux relatati ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri matul il-PIR. Ta’ min ifakkar ukoll li l-għan tal-miżuri tal-antidumping mhuwiex li jwaqqaf l-importazzjonijiet, iżda li jġib lura kummerċ ġust u jiżgura li l-importazzjonijiet ma jsirux bi prezzijiet ta’ ħsara u ddampjati.

(262)

Huwa mfakkar li hemm sorsi oħra ta’ importazzjonijiet u madwar 45 % tal-konsum tar-roti huma fil-fatt ta’ roti importati.

(263)

Peress li l-importazzjonijiet bi prezz ġust mir-RPĊ xorta jitħallew jidħlu fis-suq tal-Unjoni, u billi l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi se jkomplu wkoll, x’aktarx li n-negozju tradizzjonali tal-importaturi jkompli anke jekk il-miżuri tal-antidumping fir-rigward tar-RPĊ jinżammu fis-seħħ. Il-miżuri emendati tal-antidumping għat-tliet produtturi esportaturi li kooperaw iżidu l-possibbiltajiet tal-importazzjoni mir-RPĊ b’0 % jew b’rata mnaqqsa. Qiegħed għalhekk jiġi konkluż li l-miżuri tal-antidumping ma għandhomx impatt sinifikanti fuq l-importaturi mhux relatati fl-Unjoni.

6.   Effikaċja tal-miżuri

(264)

Parti waħda argumentat li l-miżuri ma jkunux effikaċi minħabba li l-industrija tal-Unjoni għadha qed issofri ħsara minkejja li l-miżuri tal-antidumping ilhom fis-seħħ għal kważi 20 sena. Ta’ min jinnota li minkejja l-miżuri fis-seħħ, ġie kkonfermat li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed jiċċirkomvenzjonaw il-miżuri permezz ta’ pajjiżi terzi oħra u dan jispjega tal-inqas parzjalment is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni matul il-PIR. Għalhekk, dan l-argument ma ntlaqax.

(265)

Wara l-iżvelar xi partijiet argumentaw li l-miżuri eżistenti għal aktar minn tlieta u għoxrin sena la huma ġustifikati abbażi ġuridika u lanqas ta’ politika kummerċjali. Bi tweġiba għal dan l-argument, huwa nnutat li l-ebda limiti ta’ żmien ma jirrestrinġu t-tul ta’ żmien tal-miżuri sakemm il-kondizzjonijiet tal-impożizzjoni jew iż-żamma tagħhom jiġu ssodisfati. Barra minn hekk, f’dan il-każ il-miżuri huma ġustifikati peress li s-sejbiet ikkonfermaw l-eżistenza ta’ dumping li jagħmel il-ħsara. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni hija mdgħajfa ulterjorament minħabba ċ-ċirkomvenzjoni. Għalhekk, dan l-argument ma ntlaqax.

7.   Konklużjoni

(266)

L-issoktar tal-miżuri fuq l-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw fir-RPĊ jkun b’mod ċar fl-interess tal-industrija tal-Unjoni u l-fornituri tal-komponenti tar-roti tal-Unjoni. Dan se jippermetti lill-industrija tal-Unjoni tikber u ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha kkawżata mill-importazzjoniet iddampjati. Barra minn hekk, l-importaturi ma jkunx affettwati sostanzjalment billi roti bi prezz ġust mir-RPĊ u pajjiżi terzi oħra xorta waħda jkunu disponibbli fis-suq. Ukoll, minħabba l-użu estensiv mill-industrija tal-Unjoni tal-iskema ta’ eżenzjoni eżistenti, ġie konkluż li l-miżuri eżistenti ma kellhom l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti/konsumaturi. Għall-kuntrarju, jekk il-miżuri jiġu rrevokati, il-produtturi tar-roti tal-Unjoni x’aktarx jagħlqu l-produzzjoni u b’hekk tiġi wkoll mhedda l-eżistenza tal-produtturi tal-komponenti tar-roti tal-Unjoni.

(267)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li abbażi tal-informazzjoni disponibbli li tikkonċerna l-interess tal-Unjoni, ma hemmx raġuni sinifikanti kontra l-impożizzjoni tal-miżuri bir-rati indikati (279) fuq l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġina mir-RPĊ.

I.   DAZJI PROPOSTI

1.   Livell ta’ tneħħija tal-ħsara

(268)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, il-ħsara li tirriżulta u l-interess tal-Unjoni, il-miżuri eżistenti, kif imposti permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 għandhom jinżammu fis-seħħ ħlief kif stipulat hawn taħt.

(269)

Sabiex jiġi stabbilit il-livell ta’ dawn il-miżuri, ġew ikkunsidrati l-marġnijiet tad-dumping misjuba u l-ammont ta’ dazju neċessarju sabiex tiġi eliminata l-ħsara mġarrba mill-produtturi tal-Unjoni.

(270)

Il-miżuri għandhom jiġu imposti fuq livell suffiċjenti sabiex jelimina l-ħsara kkawżata mill-importazzjonijiet inkwistjoni mingħajr ma jinqabeż il-marġini tad-dumping misjub. Meta ġie kkalkulat l-ammont ta’ dazju meħtieġ sabiex jitneħħew l-effetti tad-dumping li jagħmel ħsara, tqies li kwalunkwe miżura għandha tippermetti lill-industrija tal-Unjoni tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha u tikseb kumplessivament profitt qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb b’mod raġonevoli minn industrija ta’ dan it-tip fis-settur f’kondizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet iddampjati, fuq il-bejgħ tal-prodott simili fl-Unjoni. Il-marġini tal-profitt qabel it-taxxa użat għal dan il-kalkolu kien ta’ 8 % tal-fatturat mill-bejgħ ta’ roti. Huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni preċedenti billi ma nstabet ebda indikazzjoni li din ir-rata għandha tinbidel.

(271)

Jekk wieħed iqis li l-kooperazzjoni mir-RPĊ kienet baxxa ħafna kif intqal fil-premessi (22) u (24), is-sejbiet għall-kumpanniji li kooperaw ma jistgħux jitqiesu rappreżentattivi għall-pajjiż. Għaldaqstant, il-marġini tal-ħsara għall-pajjiż kollu qiegħed b’dan jinżamm l-istess kif stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1095/2005.

(272)

Għaż-żewġ esportaturi li kkooperaw, li nstabu li qed jiddampjaw, il-marġnijiet tal-ħsara ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess meta mqabbla, fl-istess livell ta’ kummerċ, mal-prezzijiet mhux ta’ ħsara tal-industrija tal-Unjoni għat-tip ta’ prodott korrispondenti. Ma ġiex ikkalkolat marġini ta’ ħsara għat-tielet kumpannija, li nstab li ma kinitx qed tiddampja. Għal Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd., ma ġiex identifikat marġini ta’ ħsara. Madankollu, marġini ta’ ħsara sostanzjali ogħla mill-marġini tad-dumping instab għal Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd.

(273)

Wara l-iżvelar waħda mill-partijiet argumentat li l-mira ta’ 8 % profitt kienet iffissata b’kundizzjonijiet tas-suq li ma jikkorrispondux mas-sitwazzjoni attwali u l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi raġunament adegwat biex tiġġustifika għaliex il-profitt fil-mira determinat fl-investigazzjoni ta’ qabel imsemmija fil-premessa (5) għadha ġġustifikata. Ta’ min jinnota li ma nstabet l-ebda indikazzjoni fir-rieżami attwali li r-rata tal-profitt fil-mira għandha tinbidel. Il-parti inkwistjoni ma ressqet l-ebda kalkolu sostanzjat ta’ mira alternattiva għal-livell ta’ profitt li għandu jintuża. Għalhekk, dan l-argument ma ntlaqax.

2.   Miżuri definittivi

(274)

Fir-rigward tat-tliet gruppi esportaturi Ċiniżi li kooperaw, ir-rati tad-dazju tal-antidumping tal-kumpanniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul dik l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati tad-dazju (b’kuntrast mad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”) għalhekk huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodotti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u manifatturati minn dawn il-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn kwalunkwe kumpannija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

(275)

Kwalunkwe talba li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju tal-antidumping gћal kumpanniji individwali (pereż. wara bdil fl-isem tal-entità jew wara li jiġu stabbiliti entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgћ) gћandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (29) bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpannija marbuta mal-produzzjoni, mal-bejgћ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew ma’ dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgћ. Jekk ikun xieraq, ir-Regolament se jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpanniji li jibbenefikaw mir-rati tad-dazju individwali.

(276)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar tajjeb tad-dazju tal-antidumping, il-livell ta’ dazju reżidwali ma għandux jiġi applikat għall-produtturi esportaturi li ma kooperawx biss iżda wkoll għal dawk il-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-PIR.

(277)

Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza għolja fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tad-dazji tal-antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej: Il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’fattura bħal din gћandhom ikunu suġġetti gћad-dazju reżidwu tal-antidumping li japplika gћall-produtturi esportaturi l-oћrajn kollha.

(278)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpanniji li jibbenefikaw minn rati aktar baxxi ta’ dazju individwali jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri konċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bћala li tikkostitwixxi fiha nnifisha bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fit-tali ċirkostanzi u ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tibda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(279)

Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, ir-rati tad-dazju għall-esportaturi li kooperaw huma stabbiliti fil-livell xieraq biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Għal Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd u Ideal (Dongguan) Bike Co., Ltd ir-rati tad-dazju huma bbażati fuq marġinijiet ta’ dumping stabbiliti mill-investigazzjoni peress li kienu iżjed baxxi mill-marġinijiet ta’ ħsara. Għal Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd. il-marġini tal-ħsara kien aktar baxx mill-marġini tad-dumping, għalhekk id-dazju ġie stabbilit fil-livell tal-marġini ta’ ħsara.

(280)

Ir-rati tad-dazju individwali kalkulati għall-PIR għandhom ikunu kif ġej:

Kumpannija

Dazju definittiv

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd.

19,2  %

Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd.

0  %

Ideal (Dongguan) Bike Co., Ltd.

0  %

Il-kumpanniji l-oħra kollha

48,5  %

(281)

Qed jiġi nnutat li skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 71/97, id-dazju tal-antidumping ta’ 48,5 % impost fuq il-kumpanniji l-oħra kollha b’dan ir-Regolament (ara l-premessa (279)) japplika wkoll għall-importazzjonijiet ta’ komponenti essenzjali tar-roti, kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 71/97, li joriġinaw mir-RPĊ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju tal-antidumping definittiv qiegħed b’dan jiġi impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti u ċikletti oħra (inklużi triċikli għall-ġarr tal-prodotti, iżda esklużi l-uniċkli), mhux motorizzati, li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70 (kodiċi TARIC 8712007091 u 8712007099), u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Kumpannija

Dazju definittiv

Kodiċi Addizzjonali TARIC

Zhejiang Baoguilai Vehicle Co. Ltd.

19,2  %

B772

Oyama Bicycles (Taicang) Co. Ltd.

0  %

B773

Ideal (Dongguan) Bike Co., Ltd.

0  %

B774

Il-kumpanniji l-oħra kollha

48,5  %

B999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju speċifikati gћall-kumpanniji msemmija fil-paragrafu 2 tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fattura kummerċjali valida, li tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness. Jekk din il-fattura ma tiġix ippreżentata japplika d-dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

L-estensjoni tad-dazju tal-antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti komponenti tar-roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bir-Regolament (KE) Nru 71/97, qiegħda b’dan tinżamm fis-seħħ.

Id-dazju tal-antidumping definittiv imsemmi fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 71/97 għandu jkun id-dazju tal-antidumping għall-“kumpanniji l-oħra kollha” impost bl-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BRUTON


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 228, 9.9.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 16, 18.1.1997, p. 55.

(4)  ĠU L 17, 21.1.1997, p. 17.

(5)  ĠU L 175, 14.7.2000, p. 39.

(6)  ĠU L 183, 14.7.2005, p. 1.

(7)  ĠU L 55, 28.2.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 261, 6.10.2011, p. 2.

(9)  ĠU C 71, 9.3.2012, p. 10.

(10)  ĠU L 258, 26.9.2012, p. 21.

(11)  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  ĠU C 122, 27.4.2012, p. 9.

(13)  ĠU C 346, 14.11.2012, p. 7.

(14)  ĠU L 136, 23.5.2013, p. 15.

(15)  ĠU L 282, 28.10.2011, p. 1.

(16)  www.bloomberg.com

(17)  http://news.xinhuanet.com/english/2008-12/26/content_10564812.htm

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 tas-27 ta’ Ġunju 2011 li jimponi dazju provviżorju antidumping (ĠU L 169, 29.6.2011, p. 1) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1331/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi tal-azzar li ma jissaddadx, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 20.12.2011, p. 6).

(19)  http://www.fsa.gov.uk/about/who

(20)  http://www.amf-france.org/affiche_page.asp?urldoc=lesmissionsamf.htm&lang=en&Id_Tab=0

(21)  http://www.csrc.gov.cn/pub/csrc_en/about/

(22)  http://english.gov.cn/links/statecouncil.htm

(23)  Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-156/11, Since Hardware (Guangzhou) vs Il-Kunsill, il-paragrafu 167 (għadha mhix ippubblikata) u s-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2012 fil-Kawża T-150/09 Ningbo Yonghong Fasteners Co., Ltd vs. il-Kunsill, paragrafu 53 (għandha mhix ippubblikata).

(24)  Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 344, 14.12.2012, p. 1).

(25)  Kawża C-249/10 P.

(26)  ĠU L 237, 3.9.2012, p. 1.

(27)  Kawża C-338/10 tat-22 ta’ Marzu 2012.

(28)  SIMA — Avviż tal-Konklużjoni ta’ reinvestigazzjoni — Roti — 2011

(*)  Importazzjonijiet ta’ ċirkomvenzjoni mill-Indonesja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija esklużi

Sors:

Eurostat

(29)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, id-Direttorat H, 1049 Brussell, il-Belġju.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej, trid tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(3):

(1)

l-isem u l-kariga tal-uffiċjal tal-entità li qed toħroġ il-fattura kummerċjali;

(2)

id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) tar-roti mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie manifatturat minn (isem il-kumpannija u l-uffiċċju rreġistrat) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta.

Data u firma”.