ISSN 1977-074X

doi:10.3000/1977074X.L_2013.115.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 115

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 56
25 ta' April 2013


Werrej

 

I   Atti leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju ( 1 )

1

 

*

Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej ( 1 )

18

 

*

Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 ( 1 )

39

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


I Atti leġiżlattivi

REGOLAMENTI

25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/1


REGOLAMENT (UE) Nru 345/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2013

dwar fondi Ewropej ta' kapital ta' riskju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-kapital ta’ riskju jipprovdi finanzjament lill-impriżi li ġeneralment huma żgħar ħafna, fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom u li juru potenzjal qawwi għal tkabbir u espansjoni. Barra minn hekk, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jipprovdu lill-impriżi b’konsulenza u konoxxenza ta' valur, kuntatti tan-negozju, l-equity tad-ditti u pariri strateġiċi. Bl-għoti ta' finanzi u pariri lil dawn l-impriżi, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju jistimulaw it-tkabbir ekonomiku, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi u l-mobilizzazzjoni tal-kapital, jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-espansjoni ta’ impriżi innovattivi, iżidu l-investiment tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp u jkattru l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kompetittività f'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 stipulati fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (Ewropa 2020)” u fil-kuntest tal-isfidi fuq medda twila ta' żmien tal-Istati Membri, bħal dawk identifikati fir-rapport tal-Istrateġija Ewropea u Analiżi tal-Politika Sistema ta' Marzu 2012 bit-titolu “Xejriet Globali 2030 — ċittadini f'dinja interkonnessa u poliċentrika”.

(2)

Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas komuni ta’ regoli rigward l-użu tad-denominazzjoni għal “EuVECA” għal fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, b’mod partikolari l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fondi li joperaw taħt din id-denominazzjoni, il-miri tal-investiment eliġibbli tagħhom, l-istrumenti ta’ investiment li jistgħu jutilizzaw u l-kategoriji tal-investituri li huma eliġibbli li jinvestu fihom permezz ta' regoli uniformi fl-Unjoni. Fl-assenza ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jwettqu miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv dirett fuq, u l-ħolqien ta’ ostakoli għal, il-funzjonament korrett tas-suq intern, minħabba li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jixtiequ joperaw fl-Unjoni jkunu suġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti diverġenti ta' kwalità dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-miri tal-investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni tal-investitur u jiġġeneraw konfużjoni fir-rigward tal-offerta ta' investiment assoċjata ma’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti. Barra minn hekk, l-investituri għandhom ikunu jistgħu jikkomparaw l-offerti ta' investiment ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti differenti. Huwa meħtieġ li jitneħħew ostakoli sinifikanti għal żieda fil-fondi transkonfinali mill-fondi ta’ kapital ta’ riskju u li jkunu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn dawn il-fondi, u li kwalunkwe ostakoli potenzjali oħra għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni ma jitħallewx isiru fil-ġejjieni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-Trattat, kif interpretat mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi adottat Regolament li jistabbilixxi regoli uniformi applikabbli għall-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jixtiequ jżidu l-kapital fl-Unjoni permezz tad-denominazzjoni “EuVECA”. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-fiduċja tal-investituri li jixtiequ jinvestu f’fondi ta’ kapital ta’ riskju.

(4)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” permezz ta’ regolament tiżgura li dawk ir-rekwiżiti huma applikabbli b’mod dirett għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jżidu l-fondi permezz ta’ dik id-denominazzjoni. Dan jiżgura ukoll kondizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni billi jkunu evitati rekwiżiti nazzjonali diverġenti bħala riżultat tat-traspożizzjoni ta’ direttiva. Il-maniġers ta' impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni għandhom isegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, u dan għandu jkabbar il-fiduċja tal-investituri. Dan ir-Regolament inaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u l-ispiża għall-maniġers tal-konformità ma’ regoli nazzjonali ta’ spiss diverġenti li jirregolaw il-fondi ta’ kapital ta’ riskju, speċjalment għal dawk il-maniġers li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi transkonfinali. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

(5)

Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu “Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”, fl-2012, il-Kummissjoni kellha tlesti l-eżami tagħha ta’ ostakoli tat-taxxi għall-investiment transkonfinali fl-2012, ta' kapital ta’ riskju bil-għan li tippreżenta s-soluzzjonijiet fl-2013 immirati lejn l-eliminazzjoni tal-ostakoli waqt li fl-istess ħin tipprekludi l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.

(6)

Għandu jkun possibbli li fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun ġestit esternament jew internament. Fejn fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun ġestit internament, il-fond jkun ukoll il-maniġer u għalhekk għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha rilevanti għall-maniġers taħt dan ir-Regolament u jkun irreġistrat f'konformità ma' dan ir-Regolament. Fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li huwa ġestit internament ma għandux mandankollu jiġi permess ikun il-maniġer estern ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn jew ta’ jew ta' impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS).

(7)

Sabiex tkun iċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u r-regoli oħra dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa meħtieġ li jkun stabbilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, apparti l-UCITS li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (4), li huma stabbiliti fl-Unjoni u huma rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (5), sakemm dawk il-maniġers jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti. Madankollu, maniġers esterni ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma reġistrati f'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiġġestixxu wkoll UCITS, suġġetti għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.

(8)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament japplika biss għall-maniġers ta’ dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv li l-assi amministrati tagħhom ma jaqbżux bħala total il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE. Il-kalkolu tal-limitu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa l-istess bħall-kalkolu tal-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE.

(9)

Madankollu, maniġers ta' impriżi ta' kapital ta' riskju li huma reġistrati f’konformità ma' dan ir-Regolament b'assi amministrati li it-total tagħhom sussegwentement jaqbeż il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u li għalhekk isiru soġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom f'konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għall-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” speċifikati f’dan ir-Regolament f'kull waqt fir-rigward tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti. Dan japplika kemm għall-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti eżistenti kif ukoll fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti stabbiliti wara li jinqabeż il-limitu.

(10)

Fejn il-maniġers ta' impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”, dan ir-Regolament m’għandux japplika. F’dawn il-każijiet, għandhom ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali u r-regoli ġenerali eżistenti tal-Unjoni.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, b'mod partikolari dwar l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom il-fondi tal-kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom ikunu permessi jinvestu kif ukoll l-istrumenti tal-investiment li għandhom jintużaw. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u fondi ta’ investiment alternattivi oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħra anqas speċjalizzati, pereżempju l-akkwist (buyouts) jew l-investimenti spekulattivi fi proprjetà immobbli, li dan ir-Regolament mhuwiex intiż li jippromwovi.

(12)

F’konformità mal-għan li jiġu limitati b’mod preċiż l-impriżi ta’ investiment kollettiv li se jkunu koperti minn dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata enfasi fuq il-provvediment ta’ kapital lill-impriżi żgħar fl-istadji inizjali tal-eżistenza korporattiva tagħhom, fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom jitqiesu bħala fondi li għandhom il-ħsieb li jinvestu mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u tal-kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’impriżi bħal dawn. Il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti m’għandhomx jiġu permessi jinvestu aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tagħhom u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’assi li mhumiex investimenti kwalifikanti. Dan ifisser li filwaqt li l-limitu ta' 30 % għandu jkun il-limitu massimu f'kull żmien għal investimenti mhux kwalifikanti, il-limitu ta' 70 % għandu jkunu riservat għal investimenti kwalifikanti matul il-ħajja tal-fond tal-kapital ta’ riskju kwalifikanti. Dawk il-limiti għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha u l-parteċipazzjoni ta’ flus u ekwivalenti ta’ flus. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi d-dettalji meħtieġa għall-kalkolu tal-limiti.

(13)

L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jtejjeb t-tkabbir u l-innovazzjoni tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-Unjoni. L-investimenti f'impriżi ta' portafoll kwalifikanti stabbiliti f'pajjiżi terzi jistgħu jġibu aktar kapital lill-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u b'hekk jibbenefikaw l-SMEs fl-Unjoni. Madankollu, dan ir-Regolament taħt l-ebda ċirkustanza ma għandu jiffavorixxi l-investimenti operati f'impriżi ta' portafoll stabbiliti f’pajjiżi terzi kkaratterizzati minn nuqqas ta' arranġamenti xierqa ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u ma’ kull Stat Membru li fih l-unitajiet jew ishma tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti huma intiżi li jiġu kkumerċjalizzati jew minn nuqqas ta’ skambju effikaċi ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

(14)

Fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu, bħala l-ewwel pass, jiġi stabbilit fl-Unjoni sabiex ikun intitolat juża d-denominazzjoni “EuVECA” kif stabbilit minn dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, sa sentejn mill-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, tirrivedi r-restrizzjoni fuq l-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” għall-fondi stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li tieħu kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa.

(15)

Il-maniġers ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom ikunu kapaċi jattiraw impenji ta' kapital addizzjonali matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta' dak il-fond. Dawn l-impenji ta' kapital addizzjonali għandhom, matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, jiġu kkunsidrati meta jkun qed jiġi previst l-investiment li jmiss fl-assi minbarra f'assi kwalifikanti. Impenji ta' kapital addizzjonali għandhom ikunu permessi skont il-kriterji u suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbilit fir-regoli ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni.

(16)

L-investimenti kwalifikanti għandhom ikunu fil-forma ta’ strumenti ta’ equity jew quasi-equity. Strumenti ta' quasi-equity jinkludu tip ta' strument ta' finanzjament, li jikkonsisti f’kombinar ta' equity u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew mat-telf tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' mankanza ma jkunx żgurat bis-sħiħ. Dawn l-istrumenti jinkludu varjetà ta' strumenti ta' finanzjament bħas-self subordinat, parteċipazzjonijiet passivi, self parteċipanti, drittijiet parteċipanti bi qligħ, bonds konvertibbli u bonds b'warrants. Bħala komplement possibbli għal — iżda mhux sostitut għal — strumenti ta’ equity u quasi-equity, self garantit jew mhux garantit, bħal bridge financing, mogħti mill-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti lil impriża ta' portafoll kwalifikanti li fih il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti huwa diġà detentur ta’ investimenti kwalifikanti, għandhom jiġu permessi sakemm mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub fil-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jintuża għal self bħal dan. Barra minn hekk, sabiex tiġi riflessa l-prasssi kummerċjali fis-suq tal-kapital ta’ riskju, fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandu jkun jista’ jixtri ishma ta’ impriża ta' portafoll kwalifikanti mill-azzjonisti eżistenti ta’ dik l-impriża. Sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet l-aktar wiesgħa għall-ġbir ta’ fondi, għandhom ukoll jiġu permessi investimenti f’fondi oħra ta' kapital ta' riskju kwalifikanti. Sabiex l-investimenti ma jispiċċawx dilwiti f'impriżi ta' portafoll kwalifikanti, il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom ikunu jistgħu jinvestu biss f'fondi oħra ta' kapital ta' riskju kwalifikanti, sakemm dawk il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta' kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f'fondi oħra ta' kapital ta' riskju kwalifikanti.

(17)

L-attivitajiet ewlenin tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti huma l-provvediment tal-finanzjament lill-SMEs permezz ta' investimenti primarji. Il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti ma għandhomx la jipparteċipaw f’attivitajiet bankarji li huma sistematikament importanti barra mill-qafas regolatorju prudenzjali tas-soltu (l-hekk imsejħa “shadow banking”) u lanqas isegwu strateġiji tipiċi ta’ equity privata, bħalma huma l-akkwisti li l-prezz tax-xiri tiegħu huwa ffinanzjat permezz ta’ equity u dejn.

(18)

F’konformità ma' Ewropa 2020, dan ir-Regolament huwa intiż sabiex jippromwovi investimenti f’kapital ta’ riskju f’SMEs innovattivi li jinsabu fl-ekonomija reali. Istituzzjonijiet ta’ kreditu, impriżi ta’ investiment, impriżi ta’ assigurazzjoni, kumpaniji b’partiċipazzjoni finanzjarja u kumpaniji azzjonarji ta’ attività mħallta għandhom għalhekk jiġu esklużi mid-definizzjoni ta’ impriżi ta' portafoll kwalifikanti taħt dan ir-Regolament.

(19)

Sabiex tkun stabbilita salvagwardja essenzjali li tiddifferenzja l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti taħt dan ir-Regolament mill-kategorija aktar wiesgħa ta’ fondi ta’ investiment alternattivi li jikkummerċjalizzaw f’titoli maħruġa fi swieq sekondarji, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli sabiex il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jinvestu primarjament fi strumenti maħruġa b’mod dirett.

(20)

Sabiex il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkollhom ċertu grad ta’ flessibbiltà fl-investiment u l-ġestjoni tal-likwidità tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti tagħhom, għandha tkun permessa l-kummerċjalizzazzjoni, bħal f'ishma jew parteċipazzjonijiet f'impriżi ta' portafoll mhux kwalifikanti jew akkwisti ta’ investimenti mhux kwalifikanti, sa limitu massimu ta' 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-investimenti kapitali mhux mitluba.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuVECA” tkun affidabbli u faċilment rikonoxxuta mill-investituri fl-Unjoni, huma biss il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kwalità uniformi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament li għandhom ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” meta jikkummerċjalizzaw il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jkollhom profil distint u identifikabbli li jkun adattat għall-finijiet tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-tekniki tal-investiment li huma permessi għal fondi bħal dawn.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u li, fl-attivitajiet tal-investiment tagħhom, fondi bħal dawn jikkonċentraw fuq l-appoġġ għal impriżi ta' portafoll kwalifikanti, m’għandux ikun permess l-użu ta’ leverage finanzjarju fil-livell tal-fond. Il-maniġers ta' fondi kapitali kwalifikanti għandhom ikunu awtorizzati biss biex jissellfu, jemettu obbligi ta’ dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, sakemm tali self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba u għalhekk ma jżidux l-iskopertura tal-fond lil hinn mil-livell tal-kapital mitlub tiegħu. B’dan l-approċċ, antiċipi ta’ flus kontanti minn investituri tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma kompletament koperti b’impenji ta’ kapital minn dawn l-investituri ma jżidux l-iskopertura tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u għalhekk għandhom ikunu permessi. Barra minn hekk, sabiex il-fond ikun permess ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità straordinarji li jistgħu jfeġġu bejn is-sejħa ta’ kapital kommess mill-investituri u l-wasla attwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jkun permess is-self fuq medda qasira ta’ żmien, sakemm l-ammont ta' tali self ma jeċċedix il-kapital impenjat mhux mitlub.

(24)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil investituri li għandhom l-esperjenza, l-għarfien u l-għarfien espert sabiex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq investimenti u jevalwaw sew ir-riskji li dawk il-fondi jkollhom, u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri fil-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, iridu jkunu stabbiliti ċerti salvagwardji. Għaldaqstant, il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali taħt id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (6). Madankollu, sabiex ikun hemm bażi tal-investituri suffiċjentement wiesgħa għall-investiment fil-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti huwa mixtieq ukoll li ċerti investituri oħra jkollhom aċċess għall-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, inklużi l-individwi ta’ valur għoli. Għal dawk l-investituri l-oħra, madankollu, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil dawk l-investituri li għandhom il-profil adattat biex jagħmlu investimenti bħal dawn. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. Barra minn hekk, l-investimenti magħmula minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta' maniger ta’ fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti għandhom ikunu possibbli meta dawn isiru fil-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li jiġġestixxu, peress li dawn l-individwi jkollhom konoxxenza suffiċjentement tajba biex jipparteċipaw f'investimenti f'kapital ta' riskju.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuVECA” tintuża biss minn maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jissodisfaw il-kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-kondotta tagħhom fis-suq, għandu jkun hemm regoli dwar it-tmexxija tan-negozju u r-relazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mal-investituri tagħhom. Għall-istess raġuni, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kunflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawk ir-regoli u kondizzjonijiet għandhom ukoll jirrikjedu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzattivi u amministrattivi meħtieġa fis-seħħ biex ikun żgurat immaniġġar korrett ta' konflitti ta’ interess.

(26)

Fejn maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkollu l-ħsieb li jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, r-responsabbiltà tal-maniġer għall-fond ta’ kapital ta’ riskju u l-investituri fih m’għandhiex tiġi affettwata minn tali delega ta' funzjonijiet mill-maniġer lil parti terza. Barra minn hekk, il-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u jkun sar entità “tal-kaxxa tal-ittri”. Il-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jibqa’ responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet delegati u għall-konformità ma' dan ir-Regolament f'kull mument. Id-delega ta’ funzjonijiet ma għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer milli jaġixxi, jew il-fond milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu.

(27)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuVECA” kriterji ta’ kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiġu stabbiliti. Għaldaqstant, rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jinżammu riżorsi tekniċi u umani adegwati għandhom jiġu stipulati.

(28)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-kapaċità tal-maniġer tagħhom li jkopru riskji potenzjali li jiġu mill-attivitajiet tagħhom, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-maniġers ta' fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biex iżommu fondi proprji suffiċjenti. L-ammont ta' dawn il-fondi proprji għandu jkun suffiċjenti biex jiżgura l-kontinwità u l-ġestjoni xierqa tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

(29)

Għall-finijiet tal-protezzjoni tal-investitur huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-assi tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jiġu evalwati kif jixraq. Għaldaqstant, ir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valutazzjoni.

(30)

Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” jagħtu rendikont suffiċjenti tal-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti regoli uniformi rigward ir-rapporti annwali.

(31)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuVECA” f’għajnejn l-investituri, huwa meħtieġ li din tintuża biss minn maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma trasparenti b’mod sħiħ fir-rigward tal-politika tal-investiment tagħhom u l-miri tal-investiment tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti tal-iżvelar li jkun obbligat josserva maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti fir-rigward tal-investituri tiegħu. B’mod partikolari, għandu jkun hemm obbligi ta’ żvelar prekuntrattwali relatati mal-istrateġija tal-investiment u l-objettivi tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-istrumenti tal-investiment li jintużaw, l-informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-imposti assoċjati, u l-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-investiment propost minn fond kwalifikanti. Bil-għan li jinkiseb grad għoli ta’ trasparenza, rekwiżiti ta’ żvelar bħal dawn għandhom jinkludu wkoll l-informazzjoni dwar kif hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

(32)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti uniformi li fih dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-maniġers li jkollhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw il-fondi kwalifikanti tagħhom taħt id-denominazzjoni “EuVECA” għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar dik l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra lill-maniġer jekk tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa u jekk hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa għal konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Tali reġistrazzjoni għandha tkun valida fl-Unjoni kollha.

(33)

Sabiex tiġi faċilitata kummerċjalizzazzjoni transkonfinali effiċjenti ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, ir-reġistrazzjoni tal-maniġer għandha ssir malajr kemm jista' jkun.

(34)

Filwaqt li f'dan ir-Regolament hemm inklużi salvagwardji li jaċċertaw li l-fondi jintużaw b'mod xieraq, l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu viġilanti biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma' dawk is-salvagwardji.

(35)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-konformità mal-kriterji uniformi stipulati f’dan ir-Regolament, regoli dwar iċ-ċirkustanzi fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiġi aġġornata għandhom jiġu stabbiliti.

(36)

Biex ikun hemm superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament, proċess għan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li jiskatta mar-reġistrazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu għandu wkoll jiġi stabbilit.

(37)

Sabiex jinżammu kondizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandha tiġi fdata biż-żamma ta’ database ċentrali li telenka l-maniġers ta' fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti kollha u l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom li jkunu rreġistrati f'konformità ma' dan ir-Regolament.

(38)

Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li maniġer ta' impriża ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkun qed jikser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, li għandha tieħu miżuri xierqa.

(39)

Jekk il-maniġer ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jippersisti li jaġixxi f'manjiera li tkun f'kunflitt ċar ma' dan ir-Regolament minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tieħu miżuri fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tkun tista', wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-possibbiltà li żżomm il-maniġer ikkonċernat milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta' kapital ta’ riskju tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

(40)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jinkludi lista tas-setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jrid ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(41)

Sabiex jiġi żgurat infurzar korrett, dan ir-Regolament jinkludi penali amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur ta' dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-Regolament, li huma r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar is-salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” biss minn maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti rreġistrati f'konformità ma' dan ir-Regolament. Il-ksur ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ewlenin għandu jwassal, fejn opportun, għal projbizzjoni tal-użu tad-denominazzjoni u għat-tneħħija tal-maniġer ikkonċernat mir-reġistru.

(42)

Għandha tiġi skambjata informazzjoni superviżorja bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ domiċilju u ospitanti u l-AETS.

(43)

Il-kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati bis-sorveljanza tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament tirrikjedi li għandu jkun applikat livell għoli ta’ segretezza professjonali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u l-AETS.

(44)

Sabiex ikunu speċifikati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, is-setgħa li jkunu adottati atti b'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tkun iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tat-tipi ta’ kunflitt ta’ interess li jeħtieġ li jkunu evitati mill-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-passi li jridu jittieħdu f’dak ir-rigward. Hija ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal l-atti ddelegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u adattata tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(45)

L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ sorveljanza fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dawn ma jinvolvux għażliet ta' politika, biex jiġi preżentat lill-Kummissjoni.

(46)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 291 tat-Trattat u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-AETS għandha tiġi fdata bit-tfassil tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format tan-notifika msemmija f'dan ir-Regolament.

(47)

Sa mhux aktar tard minn erba' snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex tevalwa l-iżvilupp tas-suq tal-kapital ta’ riskju. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

(48)

Barra minn hekk, sa mhux aktar tard minn erba' snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta' investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, b'mod partikolari dawk tad-Direttiva 2011/61/UE. B'mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament filwaqt li tevalwa jekk hux meħtieġ li testendi l-kamp ta' applikazzjoni għal maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv akbar biex jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk ikun xieraq, ma' proposti leġiżlattivi.

(49)

Fil-kuntest ta' dik ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull ostakolu li seta' impedixxa l-assorbiment tal-fondi mill-investituri, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta' regolamentazzjoni oħra ta' natura prudenzjali, kif din tista' tapplika għalihom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġbor dejta biex tevalwa l-kontribut tad-denominazzjoni “EuVECA” għal programmi oħra tal-Unjoni bħal Orizzont 2020, li wkoll ifittxu li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-Unjoni.

(50)

Fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Inizjattiva Ewlenija Ewropea 2020: Unjoni tal-Innovazzjoni’, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu ‘Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs’, u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 bit-titolu ‘Pjan ta' azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs’,huwa importanti li jiġu żgurati l-effikaċja tal-iskemi pubbliki fl-Unjoni kollha biex jiġi appoġġat is-suq tal-kapital ta’ riskju, u l-koordinament u l-koeranza reċiproka tal-linji politiċi differenti tal-Unjoni intiżi għat-trawwim tal-innovazzjoni, inklużi linji politiċi dwar il-kompetizzjoni u r-riċerka. Fokus ewlieni tal-linji politiċi tal-Unjoni fuq l-innovazzjoni u t-tkabbir huwa t-tekonoloġija ekoloġika, fid-dawl tal-fatt li l-objettiv tal-Unjoni huwa li tkun mexxejja globali fit-tkabbir intelliġenti u sostenibbli u fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi, inkluż fir-rigward tal-finanzjament għall-SMEs. Fir-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-impatt tiegħu fuq il-progress lejn dak l-objettiv.

(51)

L-AETS għandha tevalwa l-ħtiġijiet ta' persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha b'konformità ma' dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(52)

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) jinvesti, inter alia, f’fondi ta’ kapital ta’ riskju fl-Unjoni kollha. Il-miżuri f’dan ir-Regolament sabiex jippermettu l-identifikazzjoni faċli ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju b’karatteristiċi komuni definiti għandhom jagħmluha aktar faċli għall-FEI li jidentifika fondi ta’ kapital ta’ riskju taħt dan ir-Regolament bħala miri ta’ investiment possibbli. Il-FEI għandu għalhekk jiġi inkoraġġut jinvesti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti.

(53)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7) u l-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16).

(54)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8) tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (9), jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta.

(55)

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat lill-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

(56)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura li japplikaw rekwiżiti uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u li jistabbilixxi sistema ta’ reġistrazzjoni sempliċi għall-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, filwaqt li jittieħed kont b’mod sħiħ tal-ħtieġa li jkun hemm bilanċ bejn is-sigurtà u l-affidabbiltà assoċjati mal-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” u l-operat effiċjenti tas-suq tal-kapital ta’ riskju kif ukoll l-ispiża għall-partijiet interessati differenti tiegħu, ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u kondizzjonijiet uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Dan jistabbilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-tekniki li jridu jintużaw mill-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti kif ukoll għall-organizzazzjoni, il-kondotta u t-trasparenza tal-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta' impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 3 li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-total tal-assi ġestiti tagħhom x ma jeċċedux il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/EU;

(b)

huma stabbiliti fl-Unjoni;

(c)

huma suġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE; u

(d)

jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

2.   Fejn l-assi totali ġestiti mill-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti f'konformità mal-Artikolu 14, sussegwentement jeċċedi l-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u fejn dawk il-maniġers huma għalhekk suġġetti għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 ta' dik id-Direttiva, huma jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm f'kull ħin fir-rigward tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom, huma:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE; u

(b)

ikomplu jikkonformaw mal-Artikoli 3 u 5 u mal-punti (c) u (i) tal-Artikolu 13(1) ta' dan ir-Regolament.

3.   Fejn maniġers ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkunu maniġers esterni, u jkunu reġistrati f'konformità mal-Artikolu 14, huma jistgħu wkoll jiiġġestixxu impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), soġġetti għal awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 3

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“impriża ta’ investiment kollettiv” tfisser AIF kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

“fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti” tfisser impriża tal-investiment kollettiv li:

(i)

għandha l-ħsieb tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tagħha;

(ii)

ma tużax aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux mitlub tagħha għall-akkwist ta' assi minbarra investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha;

(iii)

hija stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru;

(c)

“maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti” tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha hija l-ġestjoni ta' mill-inqas fond wieħed ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(d)

“impriża ta' portafoll kwalifikanti” tfisser impriża li:

(i)

meta jsir investiment mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti:

ma tkunx aċċettata li tinnegozja f’suq regolat jew f'faċilità ta' kummerċ multilaterali (MTF) kif iddefinit fil-punti (14) u (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE,

timpjega inqas minn 250 persuna, u

li għandha dħul annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun jew għandha totali fil-karta tal-bilanċ annwali li ma jaqbiżx EUR 43 miljun,

(ii)

li hija nnifisha mhijiex impriża ta’ investiment kollettiv;

(iii)

mhijiex waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

istituzzjoni ta' kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (10),

ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE,

impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (11),

kumpanija holding finanzjarja kif definita fil-punt (19) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE, jew

kumpanija holding b’attivitajiet imħallta kif definita fil-punt (19) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(iv)

hi stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru, jew f'pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:

mhux imniżżel fil-lista ta' Pajjiż u Territorju Non Kooperattiv mill-Grupp ta' Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,

ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u ma' kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u li jiżgura skambju ta' informazzjoni effikaċi fil-kwistjonijiet fiskali, inklużi kwalunkwe ftehimiet fiskali multilaterali;

(e)

“investimenti kwalifikanti” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(i)

strumenti ta’ equity jew quasi-equity li huma:

maħruġa minn impriża ta' portafoll kwalifikanti u akkwistata direttament mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti,

maħruġa minn impriża ta' portafoll kwalifikanti fi skambju għal titolu ta’ equity maħruġ mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti, jew

maħruġa minn impriża li tagħha l-impriża ta' portafoll kwalifikanti l hija sussidjarja b’sehem azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fi skambju għal strument ta’ equity maħruġ mill-impriża ta' portafoll kwalifikanti;

(ii)

self garantit u mhux garantit mogħti mill-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lil impriża ta' portafoll kwalifikanti li fiha l-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti diġà għandu investimenti kwalifikanti, sakemm mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub fil-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jintuża għal self bħal dan;

(iii)

ishma tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti miksuba minn azzjonisti eżistenti ta' dik l-impriża;

(iv)

unitajiet jew ishma ta’ fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti wieħed jew aktar, sakemm dawk il-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta' kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f'fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;

(f)

“spejjeż relevanti” tfisser id-drittijiet, l-imposti u l-ispejjeż kollha li jiġu mġarrba direttament jew indirettament mill-investituri u li jkun sar qbil dwarhom bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri;

(g)

“equity” tfisser interess azzjonarju f’impriża, irrappreżentat mill-ishma jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, maħruġa lill-investituri tagħha;

(h)

“quasi-equity” tfisser kwalunkwe tip ta’ strument ta' finanzjament, li jikkonsisti f’equity u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew it-telf tal-impriża ta' portafoll kwalifikanti, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f'każ ta' mankanza ma jkunx garantit bis-sħiħ.

(i)

“kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew f’isem il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju li jiġġestixxi lil jew mal-investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni;

(j)

“kapital impenjat” tfisser kwalunkwe impenn li minħabba fih investitur huwa obbligat, fi żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, jakkwista interess jew jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali lill-fond;

(k)

“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser Stat Membru fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti huwa stabbilit u huwa suġġett għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f'konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(l)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkummerċjalizza l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti taħt dan ir-Regolament;

(m)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità nazzjonali li l-Istat Membru ta’ domiċilju jaħtar, bil-liġi jew b’regolament, biex twettaq ir-reġistrazzjoni tal-maniġers ta' impriżi ta’ investiment kollettiv li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-forma legali tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti tippermetti ġestjoni interna u fejn il-korp ta' tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti nnifsu għandu jkun reġistrat bħala l-maniġer ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti f'konformità mal-Artikolu 14. Fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li hu reġistrat bħala maniġer intern ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti m'għandux jiġi reġistrat bħala maniġer estern ta' fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti ta' impriżi ta' investiment kollettiv oħra.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI “EuVECA”

Artikolu 4

Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fl-Unjoni.

Artikolu 5

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li, meta jakkwistaw assi li ma jkunux investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub jintużaw għall-akkwist ta’ tali assi. Il-limitu ta' 30 % għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' ammont investibbli wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha; parteċipazzjoni fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti.

2.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jistawx jużaw fil-livell tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti xi metodu li bih tiżdied l-iskopertura tal-fond lil hinn mill-livell ta' kapital impenjat, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi, jew bi kwalunkwe mezz ieħor.

3.   Il-maniġers ta' fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jistgħu biss jisselfu, jemettu obbligi ta' dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, fejn dawn is-self, obbligi ta' dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba.

Artikolu 6

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti esklużivament lil investituri li jitqiesu li huma klijenti professjonali f'konformità mat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew li jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali f'konformità mat-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra li:

(a)

jimpenjaw li jinvestu minimu ta’ EUR 100 000; u

(b)

jiddikjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt konkluż għall-impenn li jinvestu, li huma jafu dwar ir-riskji assoċjati mal-impenn jew investiment previst.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta' maniġer ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti meta dawn jinvestu f'fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

Artikolu 7

Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom:

(a)

jaġixxu onestament, b’mod ġust u b’ħila, reqqa u diliġenza xierqa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

japplikaw politika u proċeduri xierqa biex tiġi evitata prattiċi illeċiti li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;

(c)

iwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom b’mod li jippromwovu l-aħjar interessi tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu, l-investituri fihom u l-integrità tas-suq;

(d)

japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti fl-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;

(e)

ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu;

(f)

jittrattaw lill-investituri b'mod ekwu;

(g)

jiżguraw li l-ebda investitur ma jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

Artikolu 8

1.   Fejn maniġer ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-ħsieb jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabbiltà tal-maniġer lejn il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih m'għandhiex tiġi affettwata. Il-maniġer m'għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u minħabba li jkun sar entità fantażma.

2.   Kwalunkwe delega ta’ funzjonijiet taħt il-paragrafu 1 m'għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti milli jaġixxi, jew il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri fih.

Artikolu 9

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jidentifikaw u jevitaw il-kunflitti ta’ interess u, fejn dawn ma jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, f'konformità mal-paragrafu 4, jiżvelaw minnufih, dawk il-kunflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri fihom u biex jiżguraw li l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestiti minnhom jiġu ttrattati b’mod ġust.

2.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jidentifikaw b’mod partikolari dawk il-kunflitti ta’ interess li jistgħu inħolqu bejn:

(a)

il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-impjegati ta', jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, u l-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestit mill-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih;

(b)

il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih, u fond ieħor ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġestit mill-istess maniġer, jew l-investituri fih;

(c)

il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew l-investituri fih, u impriża ta' investiment kollettiv jew UCITS ġestiti mill-istess maniġer, jew l-investituri fih.

3.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Għandhom jiġu żvelati kunflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1 fejn l-arranġamenti organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-kunflitti ta’ interess ma jkunux suffiċjenti biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiżvelaw f'termini ċari n-natura jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom.

5.   Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati f'konformità mal-Artikolu 25 u tispeċifika:

(a)

it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-passi li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom iwettqu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw, jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess.

Artikolu 10

1.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu jkollhom suffiċjentement fondi tagħhom stess u għandhom jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif ikun meħtieġ għall-ġestjoni korretta tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

2.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġġustifikaw is-suffiċjenza tal-fondi tagħhom biex iżommu kontinwità operattiva u jiddivulgaw ir-raġunament tagħhom dwar kif dawk il-fondi huma suffiċjenti kif speċifikat fl-Artikolu 13.

Artikolu 11

1.   Għandhom jiġu stabbiliti regoli għall-valutazzjoni tal-assi fir-regoli u l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u dawn għandhom jiżguraw proċess ta’ valutazzjoni tajjeb u trasparenti.

2.   Il-proċeduri ta' valutazzjoni użati għandhom jiżguraw li l-assi jiġu valutati korrettament, u li l-valur tal-assi jiġi kkalkulat għall-inqas darba kull sena.

Artikolu 12

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jagħmlu disponibbli rapport annwali għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti li huma jiġġestixxu, sa sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-attivitajiet tas-sena preċedenti. Għandu wkoll jiddivulga l-profitti miksuba mill-fond ta' kapital ta’ riskju fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u, fejn applikabbli, il-profitti mqassma matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Għandu jinkludi l-kontijiet finanzjarji awditjati għall-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

Ir-rapport annwali għandu jsir f'konformità mal-istandards ta' rappurtar eżistenti u t-termini miftiehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jipprovdu r-rapport lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom li jiżvelaw aktar lil xulxin.

2.   Għandu jsir awditjar tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għall-inqas darba fis-sena. L-awditjar għandu jikkonferma li l-flus u l-assi huma miżmuma f'isem il-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u li l-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti jkun stabbilixxa u żamm rekords u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta' kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti u l-investituri fih.

3.   Fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat (12) fir-rigward tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.

Artikolu 13

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, jinfurmaw lill-investituri tagħhom, qabel id-deċiżjoni tal-investiment ta' dawn tal-aħħar, b'mod ċar u li jinftiehem, dwar dan li ġej:

(a)

l-identità ta’ dak il-maniġer u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati minn dak il-maniġer fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom;

(b)

l-ammont ta' fondi proprji disponibbli għal dak il-maniġer u dikjarazzjoni dettaljata dwar ir-raġuni għalhiex dak il-maniġer iqis li dak l-ammont huwa suffiċjenti biex iżommu r-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi tal-investiment tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, inklużi:

(i)

it-tipi tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom għandu l-ħsieb li jinvesti;

(ii)

kwalunkwe fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ieħor li fih għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iii)

it-tipi ta' impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom kwalunkwe fond ieħor ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, kif imsemmi fil-punt (ii), għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iv)

investimenti mhux kwalifikanti li għandu l-ħsieb li jagħmel;

(v)

it-teknika li għandu l-ħsieb li jħaddem; u

(vi)

kwalunkwe restrizzjoni tal-investiment applikabbli;

(d)

deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-teknika ta' investiment li tista' tintuża;

(e)

deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati għall-valutazzjoni tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti;

(f)

deskrizzjoni ta’ kif hija kkalkulata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(g)

deskrizzjoni tal-ispejjeż rilevanti kollha u l-ammonti massimi tagħhom;

(h)

fejn tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(i)

is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn forniti mill-maniġer ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew irranġati permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta' portafoll kwalifikanti li fihom il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;

(j)

deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn.

2.   It-tagħrif kollu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari fejn relevanti.

3.   Fejn il-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika prospett, f'konformità mad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta jiġu offruti titoli lill-pubbliku jew dawn jiġu ammessi għall-kummerċ (13), jew f'konformità mal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospectus.

KAPITOLU III

SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 14

1.   Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA” għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar l-intenzjoni tagħhom u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(b)

l-identità tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom;

(c)

l-informazzjoni dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(e)

lista ta' Stati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti stabbilixxa, jew għandu l-ħsieb li jistabbilixxi, fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandha tirreġistra l-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)

il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju ta' maniġment ta' fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkunu ta' reputazzjoni suffiċjentement tajba u ta' esperjenza suffiċjenti wkoll fir-rigward tat-tip ta' strateġiji ta' investiment segwiti mill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 1 tkun kompluta;

(c)

l-arranġamenti nnotifikati f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 jkunu xierqa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

il-lista notifikata taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu turi li l-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti kollha huma stabbiliti f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3.

3.   Ir-reġistrazzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti taħt id-denominazzjoni “EuVECA” madwar l-Unjoni kollha.

Artikolu 15

Il-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fejn ikollhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw:

(a)

fond ġdid ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti; jew

(b)

fond eżistenti ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1).

Artikolu 16

1.   Immedjatament wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti, iż-żieda ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ġdid, iż-żieda ta' domiċilju ġdid għat-twaqqif ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jew iż-żieda ta' Stat Membru ġdid fejn il-maniġer ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika kif meħtieġ lill-Istati Membri indikati f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 14(1) u lill-AETS.

2.   L-Istati Membri ospitanti indikati f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 14(1) m’għandhomx jimponu, fuq il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti rreġistrat f'konformità mal-Artikolu 14, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti tiegħu, u lanqas m’għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel din tibda.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tfassal abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika taħt dan l-Artikolu.

4.   L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Frar 2014.

5.   Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 17

L-AETS għandha żżomm aġġornata database ċentrali, aċċessibbli fuq l-internet, li telenka l-maniġers ta' fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti kollha, irreġistrati f'konformità mal-Artikolu 14 u l-fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti li huma jikkummerċjalizzaw, kif ukoll il-pajjiżi li fihom dawk il-fondi jkunu kkummerċjalizzati.

Artikolu 18

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun hemm raġunijiet ċari u dimostrabbli li jwasslu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti biex temmen li maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju jkun kiser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju b’dan. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tieħu miżuri xierqa.

3.   Jekk il-maniġer ta' fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti jippersisti li jaġixxi b'mod ċar bi ksur ta' dan ir-Regolament, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-projbizzjoni tal-maniġer tal-fond ta' kapital ta' riskju kwalifikanti milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 19

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, ikollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li:

(a)

jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)

jesiġu li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;

(c)

jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jew tal-fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti;

(d)

iwettqu ispezzjonijiet fuq il-post b'avviż minn qabel jew mingħajru;

(e)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jkompli jikkonforma ma' dan ir-Regolament;

(f)

joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkonforma ma' dan ir-Regolament u ma jkomplix jikser dan ir-Regolament.

Artikolu 20

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali amministrattivi u miżuri oħra previsti jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sas-16 ta’ Mejju 2015 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 21

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, twettaq il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 fejn maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti:

(a)

jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)

jikkummerċjalizza, bi ksur tal-Artikolu 6, l-unitajiet u l-ishma ta’ fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti lil investituri mhux eliġibbli;

(c)

juża d-denominazzjoni “EuVECA” mingħajr ma jkun irreġistrat f'konformità mal-Artikolu 14;

(d)

juża d-denominazzjoni “EuVECA” biex jikkummerċjalizza fondi li mhumiex stabbiliti f'konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3;

(e)

akkwista reġistrazzjoni permezz ta' dikjarazzjonijiet foloz jew b'xi mod irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 14;

(f)

jonqos milli jaġixxi onestament, b'mod ġust jew b'ħila, r-reqqa jew d-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju tiegħu, bi ksur tal-punt (a) tal-Artikolu 7;

(g)

jonqos milli japplika politika u proċeduri xierqa biex jevita prattika illeċita bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 7;

(h)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 12 dwar ir-rapport annwali;

(i)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-investituri f'konformità mal-Artikolu 13.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, kif xieraq:

(a)

tieħu l-miżuri li jiżguraw li l-maniġer ta' fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti jikkonforma mal-Artikoli 5 u 6, mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7 u mal-Artikoli 12, 13 u 14;

(b)

tipprojbixxi l-użu tad-denominazzjoni “EuVECA” u tneħħi lill-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mir-reġistru.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati f'konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 14(1) u l-AETS, mingħajr dewmien, dwar it-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti mir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

4.   Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti wieħed jew aktar taħt id-denominazzjoni “EuVECA” jiskadi b’effett immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

Artikolu 22

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jikkoperaw ma’ xulxin għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b'mod partikolari biex jidentifikaw u jirrimedjaw kull ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

1.   Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-AETS, huma marbutin bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u mill-proċedimenti taħt dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għall-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti u l-fondi ta' kapital ta’ riskju kwalifikanti.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jirċievu informazzjoni kunfidenzjali f'konformità mal-paragrafu 2, huma jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

Artikolu 24

Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar xi evalwazzjoni, azzjoni jew omissjoni ta' awtorità kompetenti waħda f'oqsma fejn dan ir-Regolament jitlob kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirriferu l-kwistjoni lill-AETS, li tista' taġixxi permezz tas-setgħat mogħtija lilha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, sakemm dan in-nuqqas ta' qbil ma jkunx relatat mal-punt (iii) tal-punt (b) jew mal-punt (iv) tal-punt (d) tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 25

1.   Il-Kummissjoni b'dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 9(5) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-15 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 9(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 9(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 26

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament f'konformità mal-paragrafu 2. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:

(a)

il-punt sa fejn id-denominazzjoni “EuVECA” intużat minn maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju fi Stati Membri differenti, kemm jekk fuq bażi nazzjonali kif ukoll jekk fuq bażi transkonfinali;

(b)

id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti mwettqa minn fondi ta' kapital ta' riskju kwalifikanti;

(c)

l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 13, b'mod partikolari jekk dawn humiex suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;

(d)

l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-maniġers ta’ fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikantiu b’mod partikolari jekk hemmx bżonn li jiġu aġġustati l-investimenti kwalifikanti f’dan ir-Regolament;

(e)

il-possibbiltà li l-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti tiġi estiża għal investituri fil-livell tal-konsum;

(f)

l-effikaċja, il-proporzjonalità u l-applikazzjoni ta' penali amministrattivi u ta' miżuri oħrajn provduti mill-Istati Membri f'konformità ma' dan ir-Regolament;

(g)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq is-suq tal-kapital ta’ riskju;

(h)

il-possibbiltà li fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti f'pajjiż terz ikunu jistgħu jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa;

(i)

kemm hu xieraq li dan ir-Regolament jiġi komplementat b'reġim depożitarju;

(j)

evalwazzjoni ta' kwalunikwe ostakolu li setgħa impedixxa l-investiment f'fondi li jużaw id-denominazzjoni “EuVECA”, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta' liġijiet oħra tal-Unjoni ta' natura prudenzjali.

2.   Ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq:

(a)

sat-22 ta' Lulju 2017 fir-rigward tal-punti (a) sa (g), (i) u (j); u

(b)

sat-22 ta' Lulju 2015 fir-rigward tal-punt (h).

3.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 27

1.   Sat-22 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta' investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, b'mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE. Dik ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hija għandha tiġbor data biex tivvaluta jekk hux meħtieġ li l-kamp ta' applikazzjoni jiġi estiż biex jippermetti li l-maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju b'total ta' assi amministrati li jeċċedi l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jkunu jistgħu jsiru maniġers ta' fondi ta’ kapital ta’ riskju kwalifikanti f'konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 28

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-Artikolu 9(5), li għandu japplika mill-15 ta’ Mejju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 175, 19.6.2012, p. 11.

(2)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 72.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2013.

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(5)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(11)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.

(12)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(13)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/18


REGOLAMENT (UE) Nru 346/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2013

dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, filwaqt li l-investituri wkoll qed ifittxu li jiksbu għanijiet soċjali u mhux qed ifittxu biss li jkollhom redditi finanzjarji, aktar qed jitfaċċa fl-Unjoni suq ta’ investiment soċjali, magħmul, parzjalment, minn fondi tal-investiment li jimmiraw lejn impriżi soċjali. Fondi ta’ investiment bħal dawn jipprovdu finanzjament għall-impriżi soċjali li jaġixxu bħala muturi tal-bidla soċjali billi joffru soluzzjonijiet innovattivi għall-problemi soċjali, pereżempju billi jgħinu biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja, u billi jagħtu kontribut ferm importanti għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 stipulati fil-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”.

(2)

Dan ir-Regolament huwa parti mill-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali stabbilita mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata “Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali — Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni”.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġi stipulat qafas komuni ta’ regoli dwar l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, partikolarment dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi li joperaw b’dik id-denominazzjoni, il-miri ta’ investiment eliġibbli tagħhom, l-għodod tal-investiment li jużaw u l-kategoriji ta’ investituri li jkunu eliġibbli li jinvestu fihom permezz ta’ regoli uniformi tal-Unjoni. Fl-assenza ta’ qafas komuni bħal dan, hemm ir-riskju li l-Istati Membri jwettqu miżuri diverġenti fil-livell nazzjonali li jkollhom impatt negattiv dirett fuq il-funzjonament korrett tas-suq intern u joħolqu ostakoli għalih, minħabba li l-fondi li jkunu jixtiequ joperaw lil hinn mill-fruntieri jkunu soġġetti għal regoli differenti fi Stati Membri differenti. Barra minn hekk, rekwiżiti diverġenti ta’ kwalità dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-miri ta’ investiment u l-investituri eliġibbli jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni għall-investitur u jiġġeneraw konfużjoni fir-rigward tal-offerta ta’ investiment assoċjata mal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Barra minn hekk, l-investituri għandhom, ikunu jistgħu jikkomparaw l-offerti ta’ investiment ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti differenti. Huwa meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli sinifikanti għall-ġbir transkonfinali ta’ fondi minn fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li jiġu evitati distorsjonijiet għall-kompetizzjoni bejn dawk il-fondi, u li jiġi pprevenut li fil-futur jinbtu kwalunkwe ostakolu ieħor għall-kummerċ u distorsjonijiet sinifikanti għall-kompetizzjoni. Konsegwentement, il-bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif interpretat mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(4)

Huwa meħtieġ li jiġi adottat Regolament li jistabbilixxi regoli uniformi applikabbli għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u li jimponi obbligi korrispondenti fuq il-maniġers tagħhom fl-Istati Membri kollha li jkunu jixtiequ jiġbru l-kapital mill-Unjoni kollha permezz tad-denominazzjoni “EuSEF”. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiżguraw il-fiduċja tal-investituri li jkunu jixtiequ jinvestu f’tali fondi. Ir-Regolament m’għandux japplika għal skemi nazzjonali eżistenti li jippermettu investiment fin-negozji soċjali u li ma jużawx id-denominazzjoni “EuSEF”.

(5)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità għall-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” permezz ta’ Regolament tiżgura li dawk ir-rekwiżiti huma applikabbli b’mod dirett għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jżidu l-fondi permezz ta’ dik id-denominazzjoni. Dan jiżgura ukoll kondizzjonijiet uniformi għall-użu ta’ din id-denominazzjoni billi jkunu evitati rekwiżiti nazzjonali diverġenti bħala riżultat tat-traspożizzjoni ta’ direttiva. Il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv li jużaw din id-denominazzjoni għandhom isegwu l-istess regoli fl-Unjoni kollha, u dan għandu jkabbar il-fiduċja tal-investituri. Dan ir-Regolament inaqqas ukoll il-kumplessità regolatorja u l-ispiża għall-maniġers tal-konformità ma’ regoli nazzjonali ta’ spiss diverġenti li jirregolaw dawn il-fondi, speċjalment għal dawk il-maniġers li jixtiequ jżidu l-kapital fuq bażi transkonfinali. Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-eliminazzjoni ta’ distorsjonijiet kompetittivi.

(6)

Għandu jkun possibbli li fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun ġestit esternament jew internament. Fejn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun ġestit internament, il-fond jkun ukoll il-maniġer u għalhekk għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha rilevanti għall-maniġers taħt dan ir-Regolament u jkun irreġistrat f’konformità ma’ dan ir-Regolament. Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa ġestit internament ma għandux mandankollu jiġi permess ikun il-maniġer estern ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħrajn jew ta’ jew ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).

(7)

Sabiex tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv għajr l-UCITS li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (4) u li jkunu stabbiliti fl-Unjoni u jkunu rreġistrati mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru domiċiljari tagħhom skont id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi (5), sakemm dawk il-maniġers jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Madankollu, maniġers esterni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma reġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom ikunu jistgħu jiġġestixxu wkoll UCITS, suġġetti għal awtorizzazzjoni taħt id-Direttiva 2009/65/KE.

(8)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament japplika biss għal maniġers ta’ dawk l-impriżi ta’ investiment kollettiv li l-assi ġestiti tagħhom ma jaqbżux bħala total il-limitu msemmi fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE. Il-kalkolu tal-limitu għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa l-istess bħal dak għall-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE.

(9)

Madankollu, il-maniġers reġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament u b’assi ġestiti li t-total tagħhom sussegwentement jaqbeż il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u li għalhekk isiru soġġetti għal awtorizzazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, għandhom ikunu jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament għall-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” speċifikati f’dan ir-Regolament f’kull waqt fir-rigward ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Dan japplika kemm għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti eżistenti kif ukoll għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti stabbiliti wara li jinqabeż il-limitu.

(10)

Fejn il-maniġers tal-impriżi ta’ investiment kollettiv ma jkunux jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, dan ir-Regolament m’għandux japplika. F’dawk il-każijiet, għandhom ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali u r-regoli ġenerali eżistenti tal-Unjoni.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar in-natura tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, b’mod partikolari dwar l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu permessi jinvestu, kif ukoll l-istrumenti tal-investiment li għandhom jintużaw. Dan huwa meħtieġ sabiex tkun tista’ tinġibed linja ta’ demarkazzjoni ċara bejn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fondi ta’ investiment alternattivi oħra li jadottaw strateġiji ta’ investiment oħrajn li jkunu anqas speċjalizzati, pereżempju buyouts, li dan ir-Regolament mhuwiex intiż li jippromovi.

(12)

Sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza meħtieġa, dan ir-Regolament għandu wkoll jistabbilixxi kriterji uniformi sabiex jidentifika l-impriżi soċjali bħala impriżi ta’ portafoll kwalifikanti eliġibbli. Impriża soċjali għandha tiġi definita bħala operatur fl-ekonomija soċjali, li l-għan prinċipali tagħha huwa li jkollha impatt soċjali aktar milli biex tagħmel profitt għas-sidien jew l-azzjonisti tagħha. Hi topera billi tipprovdi prodotti u servizzi għas-suq u tuża l-profitti tagħha primarjament biex tilħaq objettivi soċjali. Hija ġestita b’manjiera responsabbli u trasparenti u, b’mod partikolari, billi tinvolvi l-impjegati, il-konsumaturi u partijiet interessati li huma affettwati mill-attivitajiet kummerċjali tagħha.

(13)

Ladarba l-għan prinċipali tal-impriżi soċjali huwa li jkollhom impatt soċjali pożittiv u mhux li jimmassimizzaw il-profitti tagħhom, dan ir-Regolament għandu jippromovi biss appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jiffukaw fuq il-ksib ta’ impatt soċjali li jista’ jitkejjel u pożittiv. Impatt soċjali li jista’ jitkejjel u pożittiv jista’ jinkludi l-forniment ta’ servizzi lil immigranti li normalment huma esklużi, jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ gruppi marġinalizzati fis-suq tax-xogħol billi jipprovdilhom impjieg, taħriġ u appoġġ ieħor. L-impriżi soċjali jużaw il-profitti tagħhom sabiex jiksbu l-objettiv soċjali primarju tagħhom u huma ġestiti b’mod responsabbli u trasparenti. Fejn, fuq bażi eċċezzjonali, li fihom impriża ta’ portafoll kwalifikanti tkun tixtieq tqassam profitti lill-azzjonisti u s-sidien tagħha, hija għandu jkollha proċeduri u regoli predefiniti dwar kif jitqassmu l-profitti. Dawk ir-regoli għandhom jispeċifikaw li tali tqassim tal-profitti ma jippreġudikax l-objettiv soċjali primarju tal-impriża ta’ portafoll soċjali kwalifikanti.

(14)

L-impriżi soċjali jinkludu firxa wiesgħa ta’ impiżi, ta’ forom ġuridiċi varji, li jipprovdu servizzi soċjali jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, marġinati, żvantaġġati jew esklużi. Dawn is-servizzi jinkludu aċċess għal abitazzjoni, servizzi ta’ kura tas-saħħa, assistenza għal persuni anzjani jew diżabbli, indukrar tat-tfal, aċċess għall-impjieg u taħriġ kif ukoll maniġġar tad-dipendenzi. L-impriżi soċjali jinkludu wkoll impriżi li jużaw metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkorpora l-objettiv soċjali tagħhom, iżda li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jaqgħu barra l-kamp tal-forniment tal-prodotti jew servizzi soċjali. Dawk l-attivitajiet jinkludu l-integrazzjoni soċjali jew professjonali permezz ta’ aċċess għal impjieg għal persuni żvantaġġati b’mod partikolari minħabba kwalifiki nieqsa jew problemi soċjali jew professjonali li jwasslu għall-esklużjoni u l-marġinazzjoni. Dawk l-attivitajiet jistgħu jirrigwardaw ukoll il-protezzjoni ambjentali b’impatt fuq is-soċjetà, bħal miżuri kontra t-tniġġis, ir-riċiklaġġ u l-enerġija rinnovabbli.

(15)

F’konformità mal-għan li jiġu delimitati b’mod preċiż l-impriżi ta’ investiment kollettiv li se jkunu koperti minn dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata enfasi fuq il-forniment ta’ kapital lill-impriżi soċjali, fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, għandhom jitqiesu bħala fondi li għandhom il-ħsieb li jinvestu mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u tal-kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’impriżi bħal dawn. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandhomx jiġu permessi jinvestu aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati tagħha u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li mhumiex investimenti kwalifikanti. Dan ifisser li filwaqt li l-limitu ta’ 30 % għandu jkun il-limitu massimu f’kull żmien għal investimenti mhux kwalifikanti, il-limitu ta’ 70 % għandu jkunu riservat għal investimenti kwalifikanti matul il-ħajja tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Dawk il-limiti għandhom ikunu kkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha u l-parteċipazzjoni ta’ flus u ekwivalenti ta’ flus. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi d-dettalji meħtieġa għall-kalkolu tal-limiti.

(16)

L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jtejjeb t-tkabbir tal-impriżi soċjali fl-Unjoni. L-investimenti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti stabbiliti f’pajjiżi terzi jistgħu jġibu aktar kapital lill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u b’hekk jibbenefikaw impriżi soċjali fl-Unjoni. Madankollu, dan ir-Regolament taħt l-ebda ċirkustanza ma għandu jiffavorixxi l-investimenti operati f’impriżi ta’ portafoll stabbiliti f’pajjiżi terzi kkaratterizzati minn nuqqas ta’ arranġamenti xierqa ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali u ma’ kull Stat Membru li fih l-unitajiet jew ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma intiżi li jiġu kkumerċjalizzati jew minn nuqqas ta’ skambju effikaċi ta’ informazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

(17)

Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu, bħala l-ewwel pass, jiġi stabbilit fl-Unjoni sabiex ikun intitolat juża d-denominazzjoni “EuSEF” kif stabbilit minn dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha, sa sentejn mill-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, tirrivedi r-restrizzjoni fuq l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” għall-fondi stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li tieħu kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa.

(18)

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu kapaċi jattiraw impenji ta’ kapital addizzjonali matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ fond. Dawn l-impenji ta’ kapital addizzjonali għandhom, matul iċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jiġu kkunsidrati meta jkun qed jiġi previst l-investiment li jmiss fl-assi minbarra f’assi kwalifikanti. Impenji ta’ kapital addizzjonali għandhom ikunu permessi skont il-kriterji u suġġetti għall-kondizzjonijiet stabbilit fir-regoli ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni.

(19)

B’kont meħud tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament speċifiċi tal-impriżi soċjali, huwa meħtieġ li tinkiseb ċarezza rigward it-tipi ta’ strumenti li fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu juża għal dawn il-finanzjamenti. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli uniformi dwar strumenti eliġibbli li għandhom jintużaw minn fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta jagħmel investimenti, li jinkludu strumenti ta’ equity jew quasi-equity, strumenti ta’ dejn, bħal ċedoli u ċertifikati ta’ depożitu, investimenti f’fondi oħrajn ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, selfiet garantiti jew mhux garantiti, u għotjiet. Sabiex l-investimenti ma jispiċċawx dilwiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu jistgħu jinvesti f’fondi oħrajn ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta dawk il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti l-oħra nfushom ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta’ kapital impenjat mhux eżerċitat tagħhom f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti oħrajn.

(20)

L-attivitajiet ewlenin tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma li jiggarantixxu finanzjament għal impriżi soċjali permezz ta’ investimenti primarji. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma għandhom la jipparteċipaw f’attivitajiet bankarji ta’ importanza sistemika barra mill-qafas regolatorju prudenzjali normattiv (imsejħa “shadow banking”). u lanqas ma għandhom isegwu strateġiji tipiċi ta’ equity privata, bħal leveraged buyouts.

(21)

Sabiex tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa fil-portafoll ta’ investiment tagħhom, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistgħu jinvestu f’assi li mhumiex investimenti kwalifikanti sakemm dawn l-investimenti ma jaqbżux il-limitu ta’ 30 % stabbilit minn dan ir-Regolament għal investimenti nonkwalifikanti. Parteċipazzjonijiet ta’ flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti. Il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jieħdu sehem f’investimenti matul il-portafoll tagħhom li jkunu konsistenti mal-istrateġija etika ta’ investiment tagħhom, pereżempju huma ma għandhomx jagħmlu investimenti li jiffinanzjaw l-industrija tal-armamenti, li fiha riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew li tista’ tinvolvi rimi ta’ skart elettroniku.

(22)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuSEF” tkun affidabbli u faċilment rikonoxxuta mill-investituri fl-Unjoni, huma biss il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkonformaw mal-kriterji ta’ kwalità uniformi kif stabbiliti f’dan ir-Regolament li għandhom ikunu eliġibbli biex jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” meta jikkummerċjalizzaw fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

(23)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkollhom profil distint u identifikabbli li jkun adattat għall-finijiet tagħhom, għandu jkun hemm regoli uniformi dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll u dwar it-teknika ta’ investiment ammissibbli għal dawn il-fondi.

(24)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma jikkontribwixxux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi, u li, fl-attivitajiet tal-investiment tagħhom, fondi bħal dawn jikkonċentraw fuq l-appoġġ għal impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, m’għandux ikun permess l-użu ta’ leverage finanzjarju fil-livell tal-fond. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu awtorizzati biss biex jissellfu, jemettu obbligi ta’ dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, sakemm tali self, obbligi ta’ dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba u għalhekk ma jżidux l-espożizzjoni tal-fond lil hinn mil-livell tal-kapital mitlub tiegħu. L-antiċipi ta’ flus kontanti minn investituri tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma kompletament koperti b’impenji ta’ kapital minn dawk l-investituri ma jżidux l-espożizzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u għalhekk għandhom ikunu permessi. Barra minn hekk, sabiex il-fond ikun permess ikopri l-ħtiġijiet ta’ likwidità straordinarji li jistgħu jirriżultaw bejn is-sejħa ta’ kapital kommess mill-investituri u r-riċezzjoni attwali tal-kapital fil-kontijiet tiegħu, għandu jkun permess is-self fuq medda qasira ta’ żmien sakemm l-ammont ta’ tali self ma jeċċedix il-kapital impenjat mhux mitlub tal-fond.

(25)

Sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil investituri li għandhom l-esperjenza, l-għarfien u l-għarfien espert sabiex jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom fuq investimenti u jevalwaw sew ir-riskji li dawk il-fondi jkollhom, u sabiex tinżamm il-fiduċja tal-investituri fil-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, iridu jkunu stabbiliti ċerti salvagwardji. Għaldaqstant, il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu kkummerċjalizzati biss lil investituri li huma klijenti professjonali jew li jistgħu jkunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (6). Madankollu, sabiex ikun hemm bażi tal-investituri wiesgħa biżżejjed għall-investiment fil-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa mixtieq ukoll li ċerti investituri oħra jkollhom aċċess għal dawn il-fondi, inklużi l-individwi ta’ valur nett għoli. Għal dawk l-investituri l-oħra, madankollu, għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji speċifiċi sabiex jiġi żgurat li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huma kkummerċjalizzati biss lil dawk l-investituri li għandhom il-profil adattat biex jagħmlu tali investimenti. Dawn is-salvagwardji jeskludu l-kummerċjalizzazzjoni permezz ta’ pjanijiet ta’ tfaddil perjodiku. Barra minn hekk, l-investimenti magħmula minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta’ maniger ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom ikunu possibbli meta dawn isiru fil-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jiġġestixxu, ladarba dawn l-individwi jkollhom konoxxenza suffiċjenti biex jipparteċipaw f’dawn l-investimenti.

(26)

Sabiex jiġi żgurat li d-denominazzjoni “EuSEF” tintuża biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jissodisfaw kriterji tal-kwalità uniformi fir-rigward tal-kondotta tagħhom fis-suq, għandu jkun hemm regoli dwar it-tmexxija tan-negozju u r-relazzjoni ta’ dawk il-maniġers mal-investituri tagħhom. Għall-istess raġuni, għandhom jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi fir-rigward tat-trattament ta’ konflitti ta’ interess minn maniġers bħal dawn. Dawk ir-regoli u kondizzjonijiet għandhom ukoll jirrikjedu li l-maniġer ikollu l-arranġamenti organizzattivi u amministrattivi meħtieġa fis-seħħ biex ikun żgurat immaniġġar korrett ta’ konflitti ta’ interess.

(27)

Fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkollu l-ħsieb li jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, r-responsabbiltà tal-maniġer għall-fond ta’ intraprenditorija soċjali u l-investituri fih m’għandhiex tiġi affettwata minn tali delega ta’ funzjonijiet mill-maniġer lil parti terza. Barra minn hekk, il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u jkun sar entità “tal-kaxxa tal-ittri”. Il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jibqa’ responsabbli għall-eżekuzzjoni xierqa tal-funzjonijiet delegati u għall-konformità ma’ dan ir-Regolament f’kull mument. Id-delega ta’ funzjonijiet ma għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer milli jaġixxi, jew il-fond milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu.

(28)

Il-ħolqien ta’ impatti soċjali pożittivi flimkien mal-ġenerazzjoni tar-redditi finanzjarji għall-investituri huwa karatteristika prinċipali tal-fondi ta’ investiment li fil-mira tagħhom għandhom l-impriżi soċjali, tali li jiddistingwihom minn tipi oħrajn ta’ fondi ta’ investiment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jeħtieġ li l-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistabbilixxu proċeduri għall-kejl tal-impatti soċjali pożittivi biex jintlaħqu permezz ta’ investiment fl-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti.

(29)

Attwalment, il-fondi li qed jimmiraw lejn riżultati jew impatti soċjali tipikament jivvalutaw u jiġbru informazzjoni dwar kemm l-impriżi soċjali qed jiksbu r-riżultati jew impatti li huma qed jimmiraw għalihom. Hemm firxa wiesgħa ta’ tipi differenti ta’ riżultati u impatti soċjali li lejhom impriża soċjali tista’ tipprova timmira. Għalhekk ġew żviluppati modi differenti li jidentifikaw ir-riżultati jew l-impatti soċjali u li jkejluhom. Pereżempju, kumpanija li qed tfittex li timpjega persuni żvantaġġati tista’ tagħmel rapport dwar in-numru ta’ persuni mpjegati li kieku ma kinux isibu xogħol, u kumpanija li qed tfittex li ttejjeb ir-riabilitazzjoni ta’ priġunieri tista’ tivvaluta l-prestazzjoni tagħha f’termini ta’ reċidività. Il-fondi jgħinu lill-impriżi soċjali fit-tħejjija u l-provvediment ta’ informazzjoni dwar l-għanijiet u l-kisbiet tagħhom, u fil-ġbir ta’ dan għall-investituri. Filwaqt li informazzjoni dwar ir-riżultati jew l-impatti soċjali hi ferm importanti għall-investituri, hu diffiċli li tqabbel bejn impriżi soċjali differenti u fondi differenti kemm minħabba d-differenzi fir-riżultati jew l-impatti soċjali li jkunu fil-mira u kemm minħabba l-varjetà ta’ approċċi attwali. Sabiex tkun imħeġġa l-konsistenza u l-komparabbiltà fuq medda itwal ta’ żmien u l-akbar effiċjenza fil-proċeduri biex tinkiseb l-informazzjoni, għandhom jiġu żviluppati atti delegati f’dan il-qasam. Dawn l-atti delegati għandhom ukoll jiżguraw ċarezza akbar għall-kontrolluri, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-impriżi soċjali.

(30)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuSEF”, ghandhom jiġu stabbiliti kriterji ta’ kwalità fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Għaldaqstant, rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-ħtieġa li jinżammu riżorsi tekniċi u umani adegwati għandhom jiġu stipulati.

(31)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni xierqa ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-kapaċità tal-maniġer tagħhom li jkopru riskji potenzjali li jiġu mill-attivitajiet tagħhom, għandhom jiġu stipulati rekwiżiti uniformi u proporzjonati għall-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali biex iżommu fondi proprji suffiċjenti. L-ammont ta’ dawn il-fondi proprji għandu jkun biżżejjed biex jiżgura l-kontinwità u l-ġestjoni xierqa tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

(32)

Għall-finijiet tal-protezzjoni tal-investitur huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-assi ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jiġu evalwati kif jixraq. Għaldaqstant, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-assi. Dan għandu jiżgura l-integrità u t-trasparenza tal-valutazzjoni.

(33)

Sabiex jiġi żgurat li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” jagħtu rendikont suffiċjenti tal-attivitajiet tagħhom, għandhom ikunu stabbiliti regoli uniformi rigward ir-rapporti annwali.

(34)

Filwaqt li f’dan ir-Regolament hemm inklużi salvagwardji li jaċċertaw li l-fondi jintużaw b’mod xieraq, l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu viġilanti biex jiżguraw li jkun hemm konformità ma’ dawk is-salvagwardji.

(35)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tad-denominazzjoni “EuSEF” f’għajnejn l-investituri, huwa meħtieġ li din tintuża biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma trasparenti b’mod sħiħ fir-rigward tal-politika tal-investiment tagħhom u l-miri tal-investiment tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti regoli uniformi dwar ir-rekwiżiti tal-iżvelar li għandhom jagħmlu l-maniġers fir-rigward tal-investituri tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dawk l-elementi li huma speċifiċi għall-investimenti fl-impriżi soċjali, sabiex ikunu jistgħu jinkisbu konsistenza u komparabbiltà akbar ta’ dan it-tagħrif. Dawn jinkludu tagħrif dwar il-kriterji u l-proċeduri li jintużaw sabiex jintgħażlu impriżi ta’ portafoll kwalifikanti partikolari bħala miri tal-investiment. Din tinkludi wkoll tagħrif dwar l-impatt soċjali pożittiv miksub mill-politika tal-investiment u dwar kif dan l-eżitu għandu jiġi mmonitorjat u vvalutat. Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenza u l-fiduċja meħtieġa tal-investituri f’dawn it-tipi ta’ investimenti, tkun inkluża anki l-informazzjoni dwar l-assi tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti minbarra dawk investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dwar kif dawn jintgħażlu.

(36)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti uniformi li fih dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mar-rekwiżiti uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-maniġers li għandhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw il-fondi tagħhom taħt id-denominazzjoni “EuSEF” għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar dik l-intenzjoni. L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra lill-maniġer jekk tkun ġiet ipprovduta l-informazzjoni kollha meħtieġa u jekk hemm fis-seħħ arranġamenti xierqa għal konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Tali reġistrazzjoni għandha tkun valida madwar l-Unjoni kollha.

(37)

Sabiex tiġi faċilitata kummerċjalizzazzjoni transkonfinali effiċjenti tal-EuSEF, ir-reġistrazzjoni tal-maniġer għandha ssir malajr kemm jista’ jkun.

(38)

Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva tal-konformità mal-kriterji uniformi stipulati f’dan ir-Regolament, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar iċ-ċirkustanzi fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiġi aġġornata.

(39)

Biex ikun hemm superviżjoni effettiva tar-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, għandu wkoll jiġi stabbilit proċess għan-notifiki transkonfinali bejn l-awtoritajiet kompetenti superviżorji, li jiskatta mar-reġistrazzjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu.

(40)

Sabiex jinżammu kondizzjonijiet trasparenti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“AETS”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandha tiġi fdata biż-żamma ta’ database ċentrali li telenka l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha ġestiti minnhom li jkunu rreġistrati taħt dan ir-Regolament.

(41)

Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollha raġunijiet ċari u dimostrabbli biex temmen li maniġer ta’ impriża ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun qed jikser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, li għandha tieħu miżuri xierqa.

(42)

Jekk il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jippersisti li jaġixxi f’manjiera li tkun f’konflitt ċar ma’ dan ir-Regolament minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tonqos milli tieħu miżuri fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tkun tista’, wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-possibbiltà li żżomm il-maniġer ikkonċernat milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali li jikkwalifikaw tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

(43)

Sabiex tiġi żgurata s-superviżjoni effettiva tal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jinkludi lista tas-setgħat superviżorji li l-awtoritajiet kompetenti jrid ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

(44)

Sabiex jiġi żgurat infurzar korrett, dan ir-Regolament jinkludi penali amministrattivi u miżuri oħra għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet ewlenin ta’ dan ir-Regolament, li huma r-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar is-salvagwardji relatati mal-identità tal-investituri eliġibbli, u dwar l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” biss minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma rreġistrati b’konformità ma’ dan ir-Regolament. Għandu jkun stabbilit li l-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin iwassal, fejn opportun, għal projbizzjoni tal-użu tad-denominazzjoni u t-tneħħija tal-maniġer ikkonċernat mir-reġistru.

(45)

Għandha tiġi skambjata informazzjoni superviżorja bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri domiċiljari u ospitanti u l-AETS.

(46)

Il-kooperazzjoni regolatorja effettiva fost l-entitajiet inkarigati bis-sorveljanza tal-konformità mal-kriterji uniformi stabbiliti f’dan ir-Regolament tirrikjedi li għandu jkun applikat livell għoli ta’ segretezza professjonali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u l-AETS.

(47)

Il-kontribut ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għat-tkabbir ta’ suq Ewropew għal investimenti soċjali se jiddependi fuq l-adozzjoni tad-denominazzjoni “EuSEF”mill-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, ir-rikonoxximent tad-denominazzjoni mill-investituri u l-iżvilupp ta’ sistema ekoloġika b’saħħitha għal impriżi soċjali madwar l-Unjoni kollha li tgħin lil dawk l-impriżi jagħmlu użu mill-għażliet ta’ finanzjament ipprovduti. Għal dak l-għan, il-partijiet interessati kollha, inklużi l-operaturi tas-suq, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u entitajiet relevanti oħra fl-Unjoni, għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw livell għoli ta’ għarfien tal-possibbiltajiet ippreżentati minn dan ir-Regolament.

(48)

Sabiex jiġu speċifikati r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti b’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-ispeċifikar tat-tipi ta’ oġġetti u servizzi jew metodi ta’ produzzjoni tal-oġġetti u s-servizzi li jinkorporaw objettiv soċjali u s-sitwazzjonijiet li fihom il-profitti jistgħu jitqassmu lill-proprjetarji u lill-investituri, it-tipi ta’ konflitti ta’ interess li l-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jeħtieġu jevitaw u l-passi li għandhom jittieħdu f’dan ir-rigward, id-dettalji tal-proċeduri sabiex jitkejlu l-impatti soċjali li għandhom jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-kontenut u l-proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni lill-investituri. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa, matul il-ħidma preparatorja tagħha, anki flimkien ma’ esperti, billi jitqiesu l-inizjattivi awtoregolatorji u l-kodiċi ta’ kondotta. Il-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni matul ix-xogħol preparatorju fir-rigward tal-atti delegati dwar id-dettalji tal-proċeduri li jkejlu l-impatti soċjali li jridu jinkisbu mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti għandu jinvolvi partijiet interessati relevanti u l-AETS. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(49)

L-istandards tekniċi fis-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw armonizzazzjoni konsistenti u livell għoli ta’ sorveljanza fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bit-tfassil ta’ abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fejn dawn ma jinvolvux għażliet ta’ politika, biex jiġi preżentat lill-Kummissjoni.

(50)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 291 TFUE u f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010. L-AETS għandha tiġi fdata bit-tfassil tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-format tan-notifika msemmija f’dan ir-Regolament.

(51)

Sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tagħmel reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex tevalwa l-iżvilupp tas-suq ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposti leġiżlattivi.

(52)

Barra minn hekk, sa mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-data li fiha dan ir-Regolament isir applikabbli, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, b’mod partikolari dawk tad-Direttiva 2011/61/UE. B’mod partikolari, din ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament filwaqt li tevalwa jekk hux meħtieġ li testendi l-kamp ta’ applikazzjoni għal maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv akbar biex jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”. Fuq il-bażi tar-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk ikun xieraq, ma’ proposti leġiżlattivi.

(53)

Fil-kuntest ta’ din ir-reviżjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa kull ostakolu li seta’ impedixxa l-assorbiment tal-fondi mill-investituri, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta’ regolamentazzjoni oħra ta’ natura prudenzjali, kif din tista’ tapplika għalihom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġbor dejta biex tevalwa l-kontribut tad-denominazzjoni “EuSEF” għal programmi oħra tal-Unjoni bħal Orizzont 2020, li wkoll ifittxu li jappoġġaw l-innovazzjoni fl-Unjoni.

(54)

Fir-rigward tal-eżami tal-Kummissjoni dwar ostakoli fiskali għal investimenti f’fondi ta’ kapital ta’ riskju transkonfinali kif previst mill-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2011 intitolata “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” u fil-kuntest tar-reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tqis li twettaq eżami ekwivalenti ta’ ostakoli fiskali possibbli għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali u tevalwa inċentivi fiskali possibbli bl-għan li tinkoraġġixxi intraprenditorija soċjali fl-Unjoni.

(55)

L-AETS għandha tevalwa l-ħtiġijiet ta’ persunal u riżorsi li jirriżultaw mill-mument meta tassumi s-setgħat u d-dmirijiet tagħha b’konformità ma’ dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(56)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja (Artikolu 7) u l-libertà tal-intrapriża (Artikolu 16).

(57)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8) tirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b’mod partikolari l-awtoritajiet pubbliċi indipendenti maħtura mill-Istati Membri. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (9), jirregola l-ipproċessar tad-dejta personali mwettaq mill-AETS fi ħdan il-qafas ta’ dan ir-Regolament u taħt is-superviżjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta

(58)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp ta’ suq intern għall-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti billi jistabbilixxi qafas għar-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ tali fondi, u b’hekk tiġi faċilitata l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiinkseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti u kondizzjonijiet uniformi għal dawk il-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jixtiequ jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Dan jistabbilixxi wkoll regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti lill-investituri eliġibbli fl-Unjoni, għall-kompożizzjoni tal-portafoll ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, għall-istrumenti tal-investiment eliġibbli u t-teknika li jridu jintużaw mill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kif ukoll għall-organizzazzjoni, il-kondotta u t-trasparenza ta’ maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Dan ir-Regolament japplika għall-maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv kif iddefiniti fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-total tal-assi ġestiti tagħhom b’kollox ma jeċċedux il-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

huma stabbiliti fl-Unjoni;

(c)

huma suġġetti għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE; u

(d)

jiġġestixxu portafolli ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

2.   Fejn l-assi totali ġestiti minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti rreġistrati f’konformità mal-Artikolu 15 sussegwentement jeċċedi l-limitu msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2011/61/UE, u fejn dawk il-maniġers huma għalhekk suġġetti għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva, huma jistgħu jkomplu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fl-Unjoni, sakemm f’kull ħin fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom, huma:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE; u

(b)

jkomplu jikkonformaw mal-Artikoli 3, 5, 10, mal-Artikolu 13(2) u mal-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Fejn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu maniġers esterni, u jkunu reġistrati f’konformità mal-Artikolu 15, huma jistgħu wkoll jiiġġestixxu impriżi għall-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), soġġetti għal awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/KE.

Artikolu 3

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“impriża ta’ investiment kollettiv” tfisser AIF kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(b)

“fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti” tfisser impriża ta’ investiment kollettiv li:

(i)

għandha l-ħsieb tinvesti mill-inqas 70 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub tagħha f’assi li huma investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tagħha;

(ii)

ma tużax aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u kapital impenjat mhux mitlub tagħha għall-akkwist ta’ assi minbarra investimenti kwalifikanti, ikkalkulati fuq il-bażi tal-ammonti investibbli wara tnaqqis tal-ispejjeż u holdings fi flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti rilevanti kollha;

(iii)

hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru;

(c)

“maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti” tfisser persuna ġuridika li n-negozju regolari tagħha jkun li tiġġestixxi mill-inqas fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed;

(d)

“impriża ta’ portafoll kwalifikanti” tfisser impriża li:

(i)

meta jsir investiment mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma tkunx aċċettata li tinnegozja f’suq regolat jew f’faċilità ta’ kummerċ multilaterali (MTF) kif iddefinit fil-punti (14) u (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE:

(ii)

tkun kisbet impatti soċjali pożittivi kalkolabbli bħala l-objettiv primarju tagħha skont l-artikoli ta’ stabbiliment, l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni oħra li jistabbilixxu n-negozju, fejn l-impriża:

tipprovdi servizzi jew oġġetti lil persuni vulnerabbli, emarġinati, żvantaġġjati jew esklużi,

timpjega metodu ta’ produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi li jinkludu l-objettivi soċjali tagħha, jew

tipprovdi appoġġ finanzjarju esklużivament għal impriżi soċjali kif definit fl-ewwel żewġ inċiżi;

(iii)

tuża l-profitti tagħha primarjament sabiex tikseb l-objettiv primarju soċjali tagħha skont l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, l-istatuti tagħha jew kwalunkwe regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni oħra li jistabbilixxu n-negozju u skont il-proċeduri u regoli predefiniti għal kwalunkwe ċirkostanza fejn jitqassmu l-profitti lill-azzjonisti jew lis-sidien biex jiżguraw li kull distribuzzjoni ta’ profitti bħal din ma ddgħajjifx l-objettiv primarju tagħha;

(iv)

tkun ġestita b’mod responsabbli u trasparenti, b’mod partikolari billi tinvolvi lill-ħaddiema, klijenti u partijiet interessati affettwati mill-attivitajiet ta’ negozju tagħha;

(v)

hija stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’pajjiż terz sakemm dak il-pajjiż terz:

mhuwiex imniżżel fil-lista ta’ Pajjiż u Territorju Non Kooperattiv mill-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,

ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u ma’ kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti sabiex ikun assigurat li l-pajjiż terz jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni Fiskali tal-OECD u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwistjonijiet fiskali, inkluż kwalunkwe ftehim fiskali multilaterali;

(e)

“investimenti kwalifikanti” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istrumenti li ġejjin:

(i)

strumenti ta’ equity jew quasi-equity li jkunu maħruġin minn:

impriża ta’ portafoll kwalifikanti u akkwistata direttament mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti,

impriża ta’ portafoll kwalifikanti fi skambju għal titolu ta’ equity maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, jew

impriża li tagħha l-impriża ta’ portafoll kwalifikanti li hija sussidjarja b’sehem azzjonarju maġġoritarju u li hija akkwistata mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fi skambju għal strument ta’ equity maħruġ mill-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(ii)

strumenti ta’ dejn garantiti u mhux garantiti, maħruġin minn impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(iii)

unitajiet jew ishma ta’ fond ieħor ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed jew aktar, sakemm dawk il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti stess ma jkunux investew aktar minn 10 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u ta’ kapital impenjat mhux mitlub tagħhom f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(iv)

self garantit u mhux garantit mogħti mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti lil impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(v)

kwalunkwe tip ieħor ta’ parteċipazzjoni f’impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(f)

“spejjeż relevanti” tfisser id-drittijiet, l-imposti u l-ispejjeż kollha li jiġu mġarrba direttament jew indirettament mill-investituri u li jkun sar qbil dwarhom bejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali u l-investituri fih;

(g)

“equity” tfisser interess azzjonarju f’impriża, irrappreżentat mill-ishma jew forom oħra ta’ parteċipazzjoni fil-kapital tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, maħruġa lill-investituri tagħha;

(h)

“quasi-equity” tfisser kwalunkwe tip ta’ strument ta’ finanzjament, li jikkonsisti f’equity u dejn, fejn il-qligħ fuq l-istrument huwa konness mal-qligħ jew it-telf tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, u fejn il-ħlas lura tal-istrument f’każ ta’ mankanza ma jkunx garantit bis-sħiħ;

(i)

“kummerċjalizzazzjoni” tfisser l-offerta jew l-allokazzjoni diretta jew indiretta fuq inizjattiva tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali jew f’isem dak il-maniġer ta’ unitajiet jew ishma ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huwa ġestit minn dak il-maniġer lil jew ma’ investituri ddomiċiljati jew b’uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni;

(j)

“kapital impenjat” tfisser kwalunkwe impenn li taħtu investitur huwa obbligat, fiż-żmien stipulat fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li jakkwista interess fi, jew jagħmel kontribuzzjonijiet kapitali għal, dak il-fond;

(k)

“Stat Membru ta’ domiċilju ” tfisser Stat Membru fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti huwa stabbilit u huwa suġġett għal reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (a) tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2011/61/UE;

(l)

“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, li ma jkunx l-Istat Membru ta’ domiċilju, fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkummerċjalizza fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti taħt dan ir-Regolament;

(m)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità nazzjonali li jaħtar l-Istat Membru ta’ domiċilju, bil-liġi jew b’regolament, biex tagħmel ir-reġistrazzjoni ta’ maniġers ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

Fir-rigward tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-forma legali ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tippermetti ġestjoni interna u fejn il-korp ta’ tmexxija tal-fond jagħżel li ma jaħtarx maniġer estern, il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti nnifsu għandu jkun reġistrat bħala l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti f’konformità mal-Artikolu 15. Fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li hu reġistrat bħala maniġer intern ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti m’għandux jiġi reġistrat bħala maniġer estern ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv oħra.

2.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 26 biex tispeċifika t-tipi ta’ servizzi jew oġġetti u l-metodi ta’ produzzjoni tas-servizzi jew oġġetti li jinkorporaw objettiv soċjali msemmi fil-punt (ii) tal-punt (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jitqiesu t-tipi differenti ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u dawk iċ-ċirkostanzi fejn il-profitti jkunu jistgħu jitqassmu lis-sidien u lill-investituri.

KAPITOLU II

KONDIZZJONIJIET GĦALL-UŻU TAD-DENOMINAZZJONI “EuSEF”

Artikolu 4

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu għandhom ikunu intitolati li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti madwar l-Unjoni.

Artikolu 5

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li, meta jakkwistaw l-assi, li mhumiex investimenti kwalifikanti, mhux aktar minn 30 % tal-kontribuzzjonijiet kapitali aggregati u l-kapital impenjat mhux mitlub jintużaw għall-akkwist ta’ tali assi. Il-limitu tat-30 % għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ ammont investibbli wara t-tnaqqis tal-ispejjeż relevanti kollha; parteċipazzjoni fuq medda ta’ żmien fil-qosor fi flus jew l-ekwivalenti ta’ flus m’għandhomx jitqiesu biex jiġi kkalkulat dak il-limitu minħabba li flus kontanti u ekwivalenti għal flus kontanti ma għandhomx ikunu kkunsidrati bħala investimenti.

2.   Il-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma għandhomx jużaw fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti xi metodu li bih tiżdied l-espożizzjoni tal-fond lil hinn mill-livell ta’ kapital impenjat, kemm permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi, kif ukoll bi kwalunkwe mezz ieħor.

3.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jistgħu biss jisselfu, jemettu obbligi ta’ dejn jew jipprovdu garanziji, fil-livell tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, fejn tali self, obbligi ta’ dejn jew garanziji jkunu koperti minn impenji mhux mitluba.

Artikolu 6

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti esklużivament lil investituri li jitqiesu bħala klijenti professjonali b’konformità mat-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew li jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali b’konformità mat-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra li:

(a)

jimpenjaw li jinvestu minimu ta’ EUR 100 000; u

(b)

jiddikjaraw bil-miktub, f’dokument separat mill-kuntratt konkluż għall-impenn li jinvestu, li huma mgħarrfa dwar ir-riskji assoċjati mal-impenn jew l-investiment previst.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal investimenti li jsiru minn diriġenti eżekuttivi, diretturi jew impjegati involuti fil-ġestjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti meta dawn jinvestu f’fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

Artikolu 7

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom:

(a)

jaġixxu onestament, b’mod ġust u b’ħila, reqqa u kawtela xierqa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom;

(b)

japplikaw politika u proċeduri xierqa biex ikunu evitati prattiċi ħżiena li raġonevolment jistgħu jkunu mistennija jaffettwaw l-interessi tal-investituri u l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(c)

iwettqu l-attivitajiet ta’ negozju tagħhom b’mod li jippromovu l-impatt soċjali pożittiv tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li jkunu investew fihom, l-aħjar interessi tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu, l-investituri fihom u l-integrità tas-suq;

(d)

japplikaw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ kontinwu tal-investimenti ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt soċjali pożittiv ta’ dawk l-impriżi;

(e)

ikollhom għarfien u fehim xierqa rigward l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom jinvestu;

(f)

jittrattaw lill-investituri b’mod ekwu;

(g)

jiżguraw li l-ebda investitur ma jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

Artikolu 8

1.   Fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jiddelega funzjonijiet lil partijiet terzi, ir-responsabbiltà tal-maniġer lejn il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih m’għandhiex tiġi affettwata. Il-maniġer m’għandux jiddelega funzjonijiet sal-punt fejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jitqies aktar bħala l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u minħabba li jkun sar entità fantażma.

2.   Kwalunkwe delega ta’ funzjonijiet taħt il-paragrafu 1 m’għandhiex iddgħajjef l-effikaċja tas-superviżjoni tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u, b’mod partikolari m’għandhiex tipprevjeni lill-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jaġixxi, jew il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jiġi ġestit, fl-aħjar interessi tal-investituri fih.

Artikolu 9

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jidentifikaw u jevitaw il-konflitti ta’ interess u, meta dawn ma jistgħux ikunu evitati, jiġġestixxu u jimmonitorjaw u, skont il-paragrafu 4, jiżvelaw minnufih, dawk il-konflitti ta’ interess sabiex ma jitħallewx jaffettwaw ħażin l-interessi tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri fihom u biex jiżguraw li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestiti minnhom jiġu ttrattati b’mod ġust.

2.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jidentifikaw b’mod partikolari dawk il-konflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bejn:

(a)

il-maniġers tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali, dawk il-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-impjegati ta’, jew kwalunkwe persuna li direttament jew indirettament jikkontrollaw jew huma kkontrollati mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, u l-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġestit mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jew l-investituri fih;

(b)

il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih, u fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor ġestit mill-istess maniġer, jew l-investituri fih;

(c)

il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew l-investituri fih, u impriża ta’ investiment kollettiv jew UCITS ġestiti mill-istess maniġer, jew l-investituri fih.

3.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effettivi sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Għandhom jiġu żvelati konflitti ta’ interess kif imsemmi fil-paragrafu 1 fejn l-arranġamenti organizzattivi magħmula mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti biex jidentifika, jevita, jiġġestixxi u jimmonitorja l-konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’fiduċja raġonevoli, li riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri se jkunu evitati. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżvelaw f’termini ċari n-natura jew is-sorsi tal-konflitti ta’ interess lill-investituri qabel iwettqu n-negozju f’isimhom.

5.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika:

(a)

it-tipi ta’ konflitti ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-passi li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jridu jieħdu, f’termini tal-istrutturi u l-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jevitaw, jiġġestixxu, jimmonitorjaw u jiżvelaw il-konflitti ta’ interess.

Artikolu 10

1.   Għal kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jiġġestixxu, il-maniġers ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jużaw proċeduri sabiex ikejlu sa fejn l-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, li fihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinvesti, jiksbu l-impatt soċjali pożittiv li huma impenjati għalihom. Il-maniġers għandhom jiżguraw li dawn il-proċeduri jkunu ċari u trasparenti u jinkludu indikaturi li jistgħu, skont l-objettiv soċjali u n-natura tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti, jinkludu wieħed jew aktar mis-suġġetti li ġejjin:

(a)

is-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol;

(b)

l-istandards u d-drittijiet relatati mal-kwalità tal-impjiegi;

(c)

l-inklużjoni soċjali u l-ħarsien ta’ gruppi partikolari;

(d)

l-ugwaljanza tat-trattament, opportunitajiet ugwali u n-nondiskriminazzjoni;

(e)

is-saħħa u s-sikurezza pubbliċi;

(f)

l-aċċess għas-sistemi tal-ħarsien soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni u l-effetti fuqhom.

2.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika d-dettalji tal-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, b’rabta ma’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti differenti.

Artikolu 11

1.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu jkollhom biżżejjed fondi tagħhom stess u jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u adattati kif ikun meħtieġ għall-ġestjoni xierqa tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu.

2.   Fi kwalunkwe ħin, il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jiżguraw li jkunu jistgħu jiġġustifikaw li l-fondi tagħhom huma suffiċjenti biex iżommu kontinwità operattiva u jiddivulgaw ir-raġunament tagħhom dwar kif dawn il-fondi huma biżżejjed kif speċifikat fl-Artikolu 14.

Artikolu 12

1.   Ir-regoli għall-valutazzjoni tal-assi jiġu stabbiliti fir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-EuSEF u għandhom jiżguraw proċess ta’ valutazzjoni tajjeb u trasparenti.

2.   Il-proċeduri ta’ valutazzjoni użati għandhom jiżguraw li l-assi jingħataw valur xieraq, u li l-valur tal-assi jkun ikkalkulat għall-inqas darba kull sena.

3.   Sabiex tkun assigurata l-konsistenza fil-valutazzjoni ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida li jistabbilixxu prinċipji komuni dwar it-trattament tal-investimenti f’dawn l-impriżi b’kont meħud tal-objettiv primarju li jiksbu impatt soċjali pożittivi u miżurabbli u tal-użu tal-profitti tagħhom, l-ewwel u qabel kollox, biex jinkiseb dak l-impatt.

Artikolu 13

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jagħmlu rapport annwali disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għal kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li huma jiġġestixxu, sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-kompożizzjoni tal-portafoll tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-attivitajiet tas-sena preċedenti. Għandu wkoll jiddivulga l-profitti totali miksuba mill-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fit-tmiem taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u, fejn applikabbli, il-profitti mqassma matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Dan irid jinkludi l-kontijiet finanzjarji awditjati għall-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti. Ir-rapport annwali għandu jsir skont l-istandards tar-rappurtar eżistenti u t-termini miftehma bejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jipprovdu r-rapport lill-investituri meta dan jintalab. Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-investituri jistgħu jiftiehmu bejniethom li jiżvelaw aktar lil xulxin.

2.   Bħala minimu, ir-rapport annwali għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

dettalji, kif ikun xieraq, dwar l-eżiti soċjali globali miksuba mill-politika ta’ investiment u l-metodu użat għall-kejl ta’ dawn l-eżiti;

(b)

dikjarazzjoni dwar kwalunkwe ċessjoni li tkun seħħet fir-rigward tal-impriża ta’ portafoll kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni dwar jekk iċ-ċessjonijiet fir-rigward tal-assi l-oħra tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikantili ma jkunux investiti f’impriżi ta’ portafoll kwalifikanti seħħewx fuq il-bażi tal-kriterji kif imsemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 14(1);

(d)

sommarju tal-attivitajiet li l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti impenja ruħu fihom fir-rigward tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti kif imsemmi fil-punt (l) tal-Artikolu 14(1);

(e)

tagħrif dwar in-natura u l-għan tal-investimenti għajr investimenti kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 5(1).

3.   Il-verifika tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandha ssir għall-inqas darba fis-sena. Il-verifika għandha tikkonferma li l-flus u l-assi huma miżmuma f’isem il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun stabbilixxa u żamm rekords u kontrolli adegwati fir-rigward tal-użu ta’ kwalunkwe mandat jew kontroll fuq il-flus u l-assi tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u tal-investituri tiegħu.

4.   Fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika rapport finanzjarju annwali f’konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (10) fir-rigward tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu tista’ tkun ipprovduta separatament jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali.

Artikolu 14

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom, fir-rigward tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, jinfurmaw lill-investituri tagħhom, qabel id-deċiżjoni tal-investiment ta’ dawn tal-aħħar, b’mod ċar u li jinftiehem, dwar dan li ġej:

(a)

l-identità ta’ dak il-maniġer u kwalunkwe fornituri ta’ servizzi oħra kuntrattati minn dak il-maniġer fir-rigward tal-ġestjoni tagħhom, u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom;

(b)

l-ammont ta’ fondi proprji disponibbli għal dak il-maniġer, u dikjarazzjoni dettaljata dwar ir-raġuni għaliex dak il-maniġer iqis li dak l-ammont huwa biżżejjed biex iżommu r-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għat-tmexxija xierqa tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(c)

deskrizzjoni tal-istrateġija u l-objettivi ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi:

(i)

it-tipi tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom għandu l-ħsieb li jinvesti;

(ii)

kwalunkwe fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor li fih għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iii)

it-tipi ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom kwalunkwe fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ieħor, kif imsemmi fil-punt (ii), għandu l-ħsieb li jinvesti;

(iv)

l-investimenti mhux kwalifikanti li għandu l-ħsieb li jagħmel;

(v)

it-teknika li għandu l-ħsieb li juża; u

(vi)

kwalunkwe restrizzjoni ta’ investiment applikabbli;

(d)

l-impatt soċjali pożittiv fil-mira tal-politika ta’ investiment tal-EuSEF, inklużi, fejn dawn ikunu relevanti, projjezzjonijiet ta’ dawn l-eżiti skont kif ikun xieraq, u tagħrif dwar prestazzjoni fl-imgħoddi f’dan il-qasam;

(e)

il-metodoloġiji li se jintużaw sabiex jitkejlu l-impatti soċjali;

(f)

deskrizzjoni tal-assi li ma jkunux impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-proċess u l-kriterji li jintużaw għas-selezzjoni ta’ dawn l-assi, sakemm ma jkunux flus jew inkella ekwivalenti ta’ flus;

(g)

deskrizzjoni tal-profil tar-riskju tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u kwalunkwe riskji assoċjati mal-assi li fihom jista’ jinvesti l-fond jew it-teknika tal-investiment li jistgħu jkunu użati;

(h)

deskrizzjoni tal-proċedura tal-valutazzjoni tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valutazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati għall-valutazzjoni ta’ impriżi ta’ portafoll kwalifikanti;

(i)

deskrizzjoni ta’ kif tiġi ikkalkolata r-remunerazzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(j)

deskrizzjoni tal-ispejjeż rilevanti kollha u l-ammonti massimi tagħhom;

(k)

meta tkun disponibbli, il-prestazzjoni finanzjarja storika tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(l)

is-servizzi ta’ appoġġ tan-negozji u l-attivitajiet ta’ appoġġ l-oħrajn forniti mill-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew irranġanti permezz ta’ partijiet terzi sabiex jiffaċilita l-iżvilupp, it-tkabbir jew b’xi mod ieħor l-operazzjonijiet kurrenti tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti li fihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jinvesti jew inkella, fejn dawn is-servizzi jew l-attivitajiet ma jkunux ipprovduti, spjegazzjoni dwar dak il-fatt;

(m)

deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn.

2.   It-tagħrif kollu kif imsemmi fil-paragrafu 1 ikun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jinżamm aġġornat u jiġi revedut b’mod regolari fejn relevanti.

3.   Fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun meħtieġ jippubblika prospett f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ (11) jew f’konformità mal-liġi nazzjonali fir-rigward tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’ tingħata jew separatament jew bħala parti mill-prospett.

4.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati taħt l-Artikolu 26 biex tispeċifika:

(a)

il-kontenut tat-tagħrif imsemmi fil-punti (c) sa (f) u (l) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

kif it-tagħrif kif imsemmi fil-punti (c) sa (f) u (l) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ppreżentat b’mod uniformi sabiex jiżgura l-ogħla livell possibbli ta’ komparabbiltà.

KAPITOLU III

SUPERVIŻJONI U KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 15

1.   Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li għandhom l-intenzjoni li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF” għall-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tagħhom għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom dwar l-intenzjoni tagħhom u għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-persuni li effettivament iwettqu n-negozju tal-ġestjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b)

l-identità tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, li l-unitajiet jew l-ishma tagħhom se jkunu kkummerċjalizzati u l-istrateġiji tal-investiment tagħhom;

(c)

tagħrif dwar l-arranġamenti li saru għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

lista tal-Istati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza kull fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(e)

lista ta’ Stati Membri fejn il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti waqqaf, jew għandu l-ħsieb li jwaqqaf, fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

2.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari tirreġistra l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali biss jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet segwenti:

(a)

il-persuni li jmexxu effettivament in-negozju ta’ maniġment ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u esperjenzati biżżejjed ukoll fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investiment segwiti mill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa msemmija fil-paragrafu 1 tkun kompluta;

(c)

l-arranġamenti nnotifikati skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 jkunu xierqa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II;

(d)

il-lista notifikata taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu turi li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha huma stabbiliti f’konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

3.   Ir-reġistrazzjoni taħt dan l-Artikolu għandha tkun valida fit-territorju kollu tal-Unjoni u għandha tippermetti lill-maniġers tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti li jikkummerċjalizzaw il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti taħt id-denominazzjoni “EuSEF” fl-Unjoni kollha.

Artikolu 16

Il-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fejn għandhom l-intenzjoni li jikkummerċjalizzaw:

(a)

fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġdid; jew

(b)

fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti eżistenti fi Stat Membru mhux imsemmi fil-lista msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 15(1).

Artikolu 17

1.   Immedjatament wara r-reġistrazzjoni ta’ maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, iż-żieda ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ġdid, iż-żieda ta’ domiċilju ġdid għat-twaqqif ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew iż-żieda ta’ Stat Membru ġdid fejn il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali għandu l-ħsieb li jikkummerċjalizza fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tinnotifika, kif meħtieġ, lill-Istati Membri indikati f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 15(1) u lill-AETS.

2.   L-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 15(1) m’għandhomx jimponu, fuq il-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti rreġistrat taħt l-Artikolu 15, xi rekwiżiti jew proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tiegħu, u lanqas m’għandhom jirrikjedu xi approvazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni qabel isseħħ.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tfassal abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina l-format tan-notifika taħt dan l-Artikolu.

4.   L-AETS għandha tippreżenta dawn l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sas-16 ta’ Frar 2014.

5.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta l-abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 18

L-AETS għandha żżomm aġġornata database ċentrali, aċċessibbli fuq l-internet, li telenka l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha rreġistrati taħt l-Artikolu 15 u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti kollha li jikkummerċjalizzaw, kif ukoll il-pajjiżi li fihom dawk il-fondi jkunu kkummerċjalizzati.

Artikolu 19

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tissorvelja l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   Fejn ikun hemm raġunijiet ċari u dimostrabbli li jwasslu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti biex temmen li maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkun kiser dan ir-Regolament fi ħdan it-territorju tagħha, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju b’dan. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha tieħu miżuri xierqa.

3.   Jekk il-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jippersisti li jaġixxi b’mod ċar bi ksur ta’ dan ir-Regolament, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tonqos milli tieħu azzjoni fi żmien raġonevoli, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista’, wara li tinforma l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, tieħu l-miżuri xierqa kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-investituri, inkluża l-projbizzjoni tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti milli jwettaq kwalunkwe kummerċjalizzazzjoni ulterjuri tal-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 20

L-awtoritajiet kompetenti, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari huma għandhom ikollhom is-setgħa li:

(a)

jitolbu l-aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

(b)

jesiġu li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien;

(c)

jirrikjedu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jew il-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(d)

iwettqu ispezzjonijiet fuq il-post b’avviż minn qabel jew mingħajru;

(e)

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkompli jikkonforma ma’ dan ir-Regolament;

(f)

joħorġu ordni sabiex jiżguraw li l-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkonforma ma’ dan ir-Regolament u jiddesisti minn repetizzjoni ta’ xi kondotta li tikkonsisti fi ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom iwettqu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li huma jiġu implimentati. Il-penali amministrattivi u miżuri oħraprevisti jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Sas-16 ta’ Mejju 2015 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-AETS bir-regoli msemmija fil-paragrafu 1. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u l-AETS mingħajr dewmien rigward kwalunkwe emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 22

1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità, twettaq il-miżuri xierqa msemmija fil-paragrafu 2 fejn maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti:

(a)

jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw għall-kompożizzjoni tal-portafoll bi ksur tal-Artikolu 5;

(b)

jikkummerċjalizza, bi ksur tal-Artikolu 6, l-unitajiet u l-ishma ta’ EuSEF lil investituri mhux eliġibbli;

(c)

juża d-denominazzjoni “EuSEF” mingħajr ma jkun irreġistrat f’konformità mal-Artikolu 15;

(d)

juża d-denominazzjoni “EuSEF” biex jikkummerċjalizza fondi li mhumiex stabbiliti f’konformità mal-punt (iii) tal-punt (b) tal-Artikolu 3(1);

(e)

akkwista reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’xi mod irregolari ieħor bi ksur tal-Artikolu 15;

(f)

jonqos milli jaġixxi onestament, b’mod ġust jew b’ħila, r-reqqa jew d-diliġenza xierqa fit-twettiq tan-negozju tiegħu, bi ksur tal-punt (a) tal-Artikolu 7;

(g)

jonqos milli japplika politika u proċeduri xierqa biex jevita prattiċi ħżiena bi ksur tal-punt (b) tal-Artikolu 7;

(h)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti taħt l-Artikolu 13 dwar ir-rapport annwali;

(i)

ripetutament jonqos milli jikkonforma mal-obbligu li jinforma lill-investituri taħt l-Artikolu 14.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandha, kif meħtieġ:

(a)

tieħu l-miżuri li jiżguraw li l-maniġer ta’ fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jikkonforma mal-Artikoli 5 u 6, mal-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7, u mal-Artikoli 13, 14 u 15;

(b)

tipprojbixxi l-użu tad-denominazzjoni “EuSEF” u tneħħi lill-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mir-reġistru.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti indikati skont il-punt (d) tal-Artikolu 15(1) u l-AETS, mingħajr dewmien, dwar it-tneħħija tal-maniġer tal-fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti mir-reġistru msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Id-dritt li jkun ikkummerċjalizzat fond ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti wieħed jew aktar skont id-denominazzjoni “EuSEF” jiskadi b’effett immedjat mid-data tad-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

Artikolu 23

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jikkoperaw ma’ xulxin għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS għandhom jiskambjaw l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, b’mod partikolari biex jidentifikaw u jirrimedjaw kull ksur ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 24

1.   Il-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-AETS, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jingħataw struzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, huma marbutin bl-obbligu ta’ segretezza professjonali. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu matul it-twettiq tad-dmirijiet tagħhom m’għandha tkun żvelata lil xi persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’tali mod li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti ma jkunux jistgħu jiġu identifikati individwalment, mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mil-liġi kriminali u l-proċeduri taħt dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għal maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti u fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti.

3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti jew l-AETS jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont il-paragrafu 2, huma jistgħu jużawha biss fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-finijiet tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji.

Artikolu 25

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar xi valutazzjoni, azzjoni jew omissjoni ta’ awtorità kompetenti waħda f’oqsma fejn dan ir-Regolament jitlob kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirriferu l-kwistjoni lill-AETS, li tista’ taġixxi bi qbil mas-setgħat mogħtija lilha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, sa fejn in-nuqqas ta’ qbil ma jkunx relatat mal-punt (i) tal-punt (b) jew mal-punt (i) tal-punt (d) tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSIZZJONALI U FINALI

Artikolu 26

1.   Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 9(5), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 14(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-15 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 9(5), fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 14(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat taħt l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 14(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 27

1.   Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dan ir-Regolament skont il-paragrafu 2. Ir-reviżjoni għandha tinkludi stħarriġ ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’dan ir-Regolament u l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tagħhom, inklużi:

(a)

il-punt sa fejn id-denominazzjoni “EuSEF” intużat minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti fi Stati Membri differenti, kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll fuq bażi transkonfinali;

(b)

id-distribuzzjoni ġeografika u settorjali tal-investimenti mwettqa mill-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti;

(c)

l-adegwatezza tar-rekwiżiti tal-informazzjoni taħt l-Artikolu 14, b’mod partikolari jekk dawn humiex suffiċjenti biex jippermettu li l-investituri jieħdu deċizjoni infurmata dwar investiment;

(d)

l-użu tal-investimenti kwalifikanti differenti mill-EuSEFs u x’impatt dan ħalla fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni;

(e)

kemm hu xieraq li tiġi stabbilita tikketta Ewropea għal “impriżi soċjali”;

(f)

il-possibbiltà li fondi ta’ intraprenditorija soċjali stabbiliti f’pajjiż terz ikunu jistgħu jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, filwaqt li jittieħed kont tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-istandards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa;

(g)

l-applikazzjoni prattika tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti u l-impatt ta’ din fuq l-iżvilupp tal-impriżi soċjali madwar l-Unjoni u l-impatt soċjali pożittiv tagħhom;

(h)

analiżi tal-proċeduri implimentati minn maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti sabiex jitkejjel l-impatt soċjali pożittiv iġġenerat mill-impriżi ta’ portafoll kwalifikanti msemmija fl-Artikolu 10 u valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ standards armonizzati għall-kejl tal-impatt soċjali fil-livell tal-Unjoni b’mod konsistenti mal-politika soċjali tal-Unjoni;

(i)

il-possibbiltà li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti tkun estiża għal investituri fil-livell tal-konsum;

(j)

kemm hu xieraq li l-fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti jkunu inklużi bħala assi eliġibbli skont id-Direttiva 2009/65/KE;

(k)

kemm hu xieraq li dan ir-Regolament jiġi komplementat b’reġim depożitarju;

(l)

eżami tal-ostakoli fiskali possibbli għal fondi ta’ intraprenditorija soċjali u valutazzjoni tal-inċentivi fiskali possibbli bl-għan li tiġi inkoraġġita intraprenditorija soċjali fl-Unjoni;

(m)

evalwazzjoni ta’ kwalunikwe ostakolu li setgħa impedixxa l-investiment f’fondi li jużaw id-denominazzjoni “EuSEF”, inkluż l-impatt fuq investituri istituzzjonali ta’ liġijiet oħra tal-Unjoni ta’ natura prudenzjali.

2.   Ir-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha titwettaq:

(a)

sat-22 ta’ Lulju 2017 fir-rigward tal-punti (a) sa (e), (g) sa (m); u

(b)

sat-22 ta’ Lulju 2015 fir-rigward tal-punt (f).

3.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 28

1.   Sat-22 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tibda reviżjoni tal-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u regoli oħra dwar impriżi ta’ investiment kollettiv u tal-maniġers tagħhom, b’mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 2011/61/UE. Dik ir-reviżjoni għandha tindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Hija għandha tiġbor dejta biex tivvaluta jekk hux meħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni jiġi estiż biex jippermetti li l-maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali b’total ta’ assi ġestiti li jeċċedi l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jkunu jistgħu jsiru maniġers ta’ fondi ta’ intraprenditorija soċjali kwalifikanti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.   Wara r-reviżjoni msemmi fil-paragrafu 1, u wara konsultazzjoni mal-AETS, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien, jekk dan ikun xieraq, ma’ proposta leġiżlattiva.

Artikolu 29

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-22 ta’ Lulju 2013, ħlief għall-Artikolu 3(2), l-Artikolu 9(5), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 14(4), li japplikaw mill-15 ta’ Mejju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 175, 19.6.2012, p. 11.

(2)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2013.

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(5)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(6)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(7)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(11)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 64.


25.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 115/39


REGOLAMENT (UE) Nru 347/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-17 ta' April 2013

dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġislattiva (3),

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li titnieda strateġija ġdida “Ewropa 2020”. Waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 hija t-tkabbir sostenibbli li għandu jsir billi tiġi promossa ekonomija iktar effiċjenti fir-riżorsi, iktar sostenibbli u iktar kompetittiva. Dik l-istrateġija poġġiet l-infrastrutturi tal-enerġija fuq quddiem nett bħala parti mill-inizjattiva ewlenija “Ewropa b’użu effiċjenti ta’ riżorsi”, billi enfasizzat il-ħtieġa li n-netwerks tal-Ewropa jiġu aġġornati urġentement, billi tinterkonnettjahom fil-livell kontinentali, b’mod partikolari biex jiġu integrati s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

(2)

L-objettiv li ntlaħaq ftehim dwaru fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona ta’ Marzu 2002 biex l-Istati Membri jkollhom livell ta’ interkonnessjonijiet tal-elettriku ekwivalenti għal tal-anqas 10 % tal-kapaċità installata tal-produzzjoni tagħhom, għadu ma ntlaħaqx.

(3)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara — Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat”, segwita mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2011 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (4), appellat għal politika tal-infrastruttura tal-enerġija ġdida għall-ottimizzazzjoni tal-iżvilupp tan-netwerk fil-livell Ewropew għall-perijodu li jwassal għall-2020 u wara, sabiex l-Unjoni tkun tista’ tilħaq l-għanijiet ewlenin tagħha tal-politika dwar l-enerġija ta’ kompetittività, sostenibbiltà u sigurtà tal-provvista.

(4)

Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 enfasizza l-ħtieġa li tiġi modernizzata u estiża l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa u li ssir l-interkonnessjoni transkonfinali tan-netwerks, sabiex tintwera s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu pprovduti rotot alternattivi tal-provvista jew tat-tranżitu u sorsi tal-enerġija alternattivi u sabiex jiġu żviluppati sorsi tal-enerġija rinnovabbli li jikkompetu mas-sorsi tradizzjonali. Huwa insista li ebda Stat Membru m’għandu jibqa’ iżolat min-netwerks Ewropej tal-gass u l-elettriku wara l-2015 jew jara s-sigurtà tal-enerġija tiegħu tiġi pperikolata minħabba n-nuqqas ta’ konnessjonijiet xierqa.

(5)

Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi l-linji gwida għan-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej (TEN-E). L-għanijiet ta’ dawk il-linji gwida huma li jappoġġjaw l-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni filwaqt li jinkoraġġixxu l-produzzjoni, it-trasportazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu razzjonali tar-riżorsi tal-enerġija, li jnaqqsu l-iżolament tar-reġjuni żvantaġġjati u tal-gżejjer, li jiżguraw u jiddiversifikaw il-provvisti, is-sorsi u r-rotot tal-enerġija tal-Unjoni, fosthom permezz tal-kooperazzjoni ma’ partijiet terzi, u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent.

(6)

L-evalwazzjoni tal-qafas attwali tat-TEN-E wriet b’mod ċar li dan il-qafas, għalkemm jagħti kontribut pożittiv għal proġetti partikolari billi jagħtihom viżibbiltà politika, huwa nieqes minn viżjoni, iffukar u flessibbiltà biex ikunu jistgħu jimtlew il-lakuni identifikati fl-infrastruttura. Għalhekk, l-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-isfidi futuri f’dan il-qasam, u għandha tingħata l-attenzjoni dovuta biex jiġu identifikati lakuni futuri potenzjali fid-domanda għall-enerġija u l-provvista tagħha.

(7)

L-aċċelerazzjoni fir-restawr tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti u fl-użu tal-infrastruttura l-ġdida tal-enerġija hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni, li huma li jiġi kkompletat is-suq intern tal-enerġija, li tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari tal-gass u ż-żejt, li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’20 % (30 % jekk il-kundizzjonijiet ikunu tajbin), li s-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija jiżdied għal 20 % (6), u li tinkiseb żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza fl-enerġija sal-2020 biex b’hekk iż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija tkun tista’ tikkontribwixxi biex titnaqqas il-ħtieġa ta’ kostruzzjoni ta’ infrastrutturi ġodda. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tipprepara l-infrastruttura tagħha għad-dekarbonizzazzjoni ulterjuri tas-sistema tal-enerġija fit-tul sal-2050. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun jista’ wkoll jakkomoda objettivi futuri possibbli tal-Unjoni dwar il-politika tal-enerġija u l-klima.

(8)

Minkejja l-fatt li d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (7) u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (8) jipprevedu suq intern fl-enerġija, is-suq għadu frammentat minħabba n-nuqqas ta’ interkonnessjonijiet bejn in-netwerks nazzjonali tal-enerġija u l-użu subottimali tal-infrastruttura eżistenti tal-enerġija. Madankollu, netwerks integrati fl-Unjoni kollha u l-użu ta’ grids intelliġenti huma vitali biex jiżguraw suq integrat kompetittiv u li jiffunzjona sew, għall-kisba ta’ użu ottimali tal-infrastruttura tal-enerġija, għal aktar effiċjenza fl-enerġija u aktar integrazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mqassma u għall-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli.

(9)

L-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni għandha tiġi aġġornata għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ ħsara teknika u taż-żieda tar-reżiljenza tagħha għal tali ħsara, għal diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem, għal effetti negattivi tat-tibdil fil-klima u għal theddid għas-sigurtà tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura kritika Ewropea kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat-8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni tal-infrastruttura kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (9).

(10)

It-trasport taż-żejt minn pipelines fuq l-art minflok minn fuq l-ilma jista’ jagħti kontribut kbir għat-tnaqqis tar-riskju ambjentali assoċjat mat-trasport taż-żejt.

(11)

L-importanza tal-grids intelliġenti fil-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni ġiet rikonoxxuta fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2011 intitolata “Grids intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom”.

(12)

Il-faċilitajiet ta’ ħżin tal-enerġija kif ukoll il-faċilitajiet ta’ riċeviment, ħżin u rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għall-gass naturali likwifikat (LNG) u għall-gas naturali kkompressat (CNG) għandhom rwol dejjem aktar importanti x’jiżvolġu fl-infrastruttura Ewropea tal-enerġija. L-espansjoni ta’ tali faċilitajiet ta’ infrastruttura tal-enerġija tifforma komponent importanti ta’ infrastruttura ta’ netwerk li taħdem sew.

(13)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta’ Settembru 2011“Il-Politika tal-UE dwar l-Enerġija: Kooperazzjoni ma’ Pajjiżi lil hinn mill-Fruntieri Tagħna” enfasizzat il-ħtieġa li l-Unjoni tinkludi l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija fir-relazzjonijiet esterni tagħha bil-għan li tappoġġja l-iżvilupp soċjoekonomiku lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni. L-Unjoni għandha tiffaċilita l-proġetti ta’ infrastruttura li jikkonnettjaw in-netwerks tal-enerġija tal-Unjoni man-netwerks ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari ma’ pajjiżi tal-viċinat u ma’ pajjiżi li magħhom l-Unjoni stabbilixxiet kooperazzjoni speċifikament dwar l-enerġija.

(14)

Biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-vultaġġ u tal-frekwenza, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-istabbiltà tan-netwerk Ewropew tal-elettriku fil-kundizzjonijiet li jinbidlu kkawżati miż-żieda fl-influss tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli li huma ta’ natura varjabbli.

(15)

Il-ħtiġijiet tal-investiment sal-2020 fl-infrastrutturi tat-trasmissjoni tal-elettriku u l-gass b’rilevanza Ewropea ġew stmati għal madwar EUR 200 biljun. Iż-żieda sinifikanti fil-volumi tal-investiment imqabbla mat-tendenzi fil-passat u l-urġenza biex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija jirrikjedu approċċ ġdid fil-mod li bih l-infrastrutturi tal-enerġija, u b’mod partikolari dawk ta’ natura transkonfinali, jiġu rregolati u ffinanzjati.

(16)

Id-dokument ta’ ħidma mill-persunal tal-Kummissjoni għall-Kunsill tal-10 ta’ Ġunju 2011“Ħtiġijiet u rekwiżiti ta’ ffinanzjar tal-investiment fl-infrastrutturi tal-enerġija” enfasizza li madwar nofs l-investimenti totali meħtieġa għad-deċennju li jwassal għall-2020 jinsabu f’riskju li ma jitwettqu qatt jew li ma jitwettqux fil-ħin minħabba ostakli marbuta mal-għoti tal-permessi, mal-kwistjonijiet regolatorji u mal-finanzjament.

(17)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jiġifieri dawk li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista fl-Unjoni, li jiġu promossi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ forom ġodda u rinnovabbli tal-enerġija, u li tiġi promossa l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija. B’dawn l-għanijiet fil-mira tiegħu, dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u jġib miegħu benefiċċji għall-Unjoni kollha f’termini ta’ kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(18)

Għall-iżvilupp ta’ netwerks trans-Ewropej u għall-interoperabilità effikaċi tagħhom, huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni operazzjonali bejn l-operaturi tas-sistemi tat-trasmissjoni tal-elettriku (TSOs). Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (10) f’dan ir-rigward, għandhom jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (11). Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni tal-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-koordinazzjoni operazzjonali bejn it-TSOs tal-elettriku fil-livell tal-Unjoni, billi dawk il-linji gwida se japplikaw ġeneralment għat-TSOs kollha.

(19)

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (l-“Aġenzija”) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) tingħata kompiti addizzjonali importanti skont dan ir-Regolament u għandha tingħata d-dritt li titlob ħlasijiet għal uħud minn dawn il-kompiti addizzjonali.

(20)

Wara konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kollha, il-Kummissjoni identifikat 12-il prijorità strateġika tal-infrastruttura enerġija trans-Ewropea, li l-implimentazzjoni tagħhom sal-2020 hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni. Dawn il-prijoritajiet ikopru reġjuni ġeografiċi jew oqsma tematiċi differenti fil-qasam tat-trasmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, it-trasmissjoni tal-gass, il-ħżin u l-infrastruttura tal-gass naturali likwifikat jew ikkompressat, grids intelliġenti, awtostradi tal-elettriku, it-trasport tad-diossidu tal-karbonju u l-infrastruttura taż-żejt.

(21)

Proġetti ta’ interess komuni għandhom jikkonformaw ma’ kriterji komuni, trasparenti u oġġettivi fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-għanijiet tal-politika tal-enerġija. Għall-elettriku u l-gass, sabiex ikunu eliġibbli għall-inklużjoni fit-tieni lista u fil-listi sussegwenti tal-Unjoni, il-proġetti għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan disponibbli tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin. Il-pjan għandu jikkunsidra b’mod partikolari l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 rigward il-ħtieġa li jiġu integrati s-swieq periferali tal-enerġija.

(22)

Għandhom jiġu stabbiliti gruppi reġjonali bil-għan li jipproponu u jirrieżaminaw proġetti ta’ interess komuni, li jwasslu għall-istabbiliment ta’ listi reġjonali ta’ proġetti ta’ interess komuni. Sabiex jiġi żgurat kunsens wiesa’, dawn il-gruppi reġjonali għandhom jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-promoturi tal-proġetti u partijiet interessati rilevanti. Il-kooperazzjoni għandha tistrieħ kemm jista’ jkun fuq strutturi eżistenti ta’ kooperazzjoni ta’ awtoritajiet regolatorji nazzjonali u TSOs’ u strutturi oħra stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, meta jkun meħtieġ, għandhom jagħtu pariri lill-gruppi reġjonali, inter alia dwar il-fattibbiltà tal-aspetti regolatorji tal-proġetti proposti u dwar il-fattibbiltà tal-kalendarju propost għall-approvazzjoni regolatorja.

(23)

Sabiex ikun żgurat li l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-Unjoni (“lista tal-Unjoni”) hija limitata għall-proġetti li l-iktar jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji strateġiċi tal-infrastruttura tal-enerġija, is-setgħa li tadotta u tirrieżamina l-lista tal-Unjoni għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni b’konformità mal-Artikolu 290 TFUE, filwaqt li jiġi rispettat id-dritt tal-Istati Membri li japprovaw proġetti ta’ interess komuni marbuta mat-territorju tagħhom. Skont analiżi li twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta li wasslet għal dan ir-Regolament, l-għadd ta’ dawn il-proġetti huwa stmat għal madwar 100 fil-qasam tal-elettriku u 50 fil-qasam tal-gass. Filwaqt li titqies din l-istima, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, l-għadd totali ta’ proġetti ta’ interess komuni għandu jibqa’ ġestibbli, u għalhekk m’għandux jaqbeż il-220 b’mod sinifikanti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(24)

Għandha tiġi stabbilita lista ġdida tal-Unjoni kull sentejn. Proġetti ta’ interess komuni li jiġu kkompletati jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kriterji u r-rekwiżiti rilevanti kif stabbilit f’dan ir-Regolament m’għandhomx jitniżżlu fil-lista li jmiss tal-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, proġetti eżistenti ta’ interess komuni li għandhom jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni li jmiss għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċess ta’ għażla għall-istabbiliment ta’ listi reġjonali u għall-istabbiliment tal-lista tal-Unjoni bħall-proġetti proposti; madankollu, għandha tingħata attenzjoni biex il-piż amministrattiv li jirriżulta jiġi minimizzat kemm jista’ jkun, pereżempju billi sa fejn hu possibbli tintuża informazzjoni mressqa preċedentement, u billi jitqiesu r-rapporti annwali tal-promoturi tal-proġetti.

(25)

Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli u għandhom ikunu mmonitorjati u evalwati mill-qrib, filwaqt li l-piż amministrattiv tal-promoturi tal-proġetti għandu jinżamm f’livell minimu. Il-Kummissjoni għandha tinnomina koordinaturi Ewropej għall-proġetti li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari.

(26)

Il-proċessi tal-għoti tal-permessi la għandhom iwasslu għal piżijiet amministrattivi li jkunu sproporzjonati għad-daqs jew għall-kumplessità ta’ proġett u lanqas għandhom joħolqu ostakli għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej u l-aċċess għas-suq. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2009 enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu identifikati u mneħħija l-ostakli għall-investiment, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ippjanar u l-konsultazzjoni. Dawk il-konklużjonijiet ġew imsaħħa bil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 li reġgħu enfasizzaw l-importanza li jiġu ssemplifikati u mtejba l-proċessi tal-għoti tal-permessi filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi nazzjonali.

(27)

L-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni ta’ interess komuni fl-oqsma tal-infrastruttura tal-enerġija, tat-trasport u tat-telekomunikazzjoni għandhom ikunu kkoordinati biex jiġġeneraw sinerġiji kull meta dan ikun jagħmel sens mill-perspettiva ġenerali ekonomika, teknika, ambjentali jew tal-ippjanar spazjali u b’kunsiderazzjoni dovuta tal-aspetti rilevanti tas-sikurezza. Għalhekk meta jkunu qegħdin jiġu ppjanati d-diversi netwerks trans-Ewropej, tista’ tingħata prijorità lill-integrazzjoni tan-netwerks tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija sabiex jiġi garantit li tintuża mill-inqas art possibbli, filwaqt li jiġi żgurat, kull meta jkun possibbli, li r-rotot eżistenti jew mhux użati jerġgħu jintużaw, sabiex jitnaqqas għal minimu kwalunkwe impatt soċjali, ekonomiku, ambjentali u finanzjarju negattiv.

(28)

Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jingħataw “status prijoritarju” fil-livell nazzjonali, biex jiġi żgurat trattament amministrattiv rapidu. Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma fl-interess pubbliku. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata għal proġetti li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent, abbażi ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku prevalenti, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (13) u fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (14).

(29)

L-istabbiliment ta’ awtorità jew awtoritajiet kompetenti li tintegra jew tikkoordina l-proċessi kollha għall-għoti tal-permessi (“one-stop shop”) għandu jnaqqas il-kumplessità, iżid l-effiċjenza u t-trasparenza u jgħin biex titjieb il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri. Mal-ħatra tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu operattivi mill-aktar fis possibbli.

(30)

Minkejja l-eżistenza ta’ standards stabbiliti għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ natura ambjentali, jinħtieġu miżuri oħra biex jiġu żgurati l-ogħla standards possibbli ta’ trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-kwistjonjiet kollha relatati mal-proċess tal-għoti tal-permessi għal proġetti ta’ interess komuni.

(31)

L-implimentazzjoni korretta u koordinata tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (15), tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (16), meta applikabbli, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 (17) (“il-‘Konvenzjoni ta’ Aarhus’”) u tal-Konvenzjoni ta’ Espoo dwar valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-kuntest transkonfinali (il-“Konvenzjoni tal-Espoo”) għandha tiżgura l-armonizzazzoni tal-prinċipji ewlenin tal-valutazzjoni tal-effetti ambjentali, inkluż f’kuntest transkonfinali. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-valutazzjonijiet tagħhom dwar proġetti ta’ interess komuni, u jipprovdu valutazzjonijiet konġunti meta jkun possibbli. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jiskambjaw l-aħjar prassi u l-bini ta’ kapaċitajiet amministrattivi għall-proċessi tal-għoti tal-permessi.

(32)

Huwa importanti li l-proċessi tal-għoti tal-permessi jiġu ssemplifikati u mtejba, filwaqt li jiġu rispettati — sa fejn ikun possibbli b’kunsiderazzjoni xierqa lill-prinċipju tas-sussidjarjetà — il-kompetenzi u l-proċeduri nazzjonali għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ġdida. Minħabba l-urġenza li jiġu żviluppati infrastrutturi tal-enerġija, is-semplifikazzjoni tal-proċessi għall-għoti tal-permessi għandha tkun akkumpjanata minn limitu ta’ żmien ċar biex tittieħed id-deċiżjoni mill-awtoritajiet rispettivi fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-proġett. Dak il-limitu taż-żmien għandu jistimola definizzjoni u ttrattar aktar effiċjenti tal-proċeduri, u fl-ebda ċirkostanza m’għandu jwassal biex jikkomprometti l-istandards għolja għall-protezzjoni tal-ambjent u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fir-rigward tal-limiti taż-żmien massimi stabbiliti b’dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu madankollu jippruvaw inaqqsuhom, jekk dan ikun fattibbli. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw konformità mal-limiti taż-żmien, u l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jiżguraw li l-appelli li jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjoni komprensiva jiġu ttrattati bl-iżjed mod effiċjenti possibbli.

(33)

Meta l-Istati Membri jqisu li jkun xieraq, jistgħu jinkludu fid-deċiżjoni komprensiva deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’: negozjati ma’ sidien ta’ artijiet individwali biex jingħata aċċess għal, sjieda ta’, jew dritt li tiġi okkupata proprjetà; l-ippjanar spazjali li jiddetermina l-użu tal-art ġenerali ta’ reġjun definit, jinkludi żviluppi oħrajn bħal awtostradi, linji ferrovjarji, bini u żoni ta’ ħarsien tan-natura, u li ma jsirx għall-fini speċifiku tal-proġett ippjanat; l-għoti talpermessi operazzjonali. Fil-kuntest tal-proċessi tal-għoti tal-permessi, proġett ta’ interess komuni jista’ jinkludi infrastruttura relatata sakemm tkun essenzjali għall-kostruzzjoni jew il-funzjonament tal-proġett.

(34)

Dan ir-Regolament, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-permessi, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni, għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-dritt internazzjonali u għal-liġi tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, u d-dispożizzjonijiet adottati skont il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Ambjent Marittimu.

(35)

L-ispejjeż għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni, l-operat u l-manutenzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni b’mod ġenerali għandhom jinġarrbu mill-utenti tal-infrastruttura. Proġetti ta’ interess komuni għandhom ikunu eliġibbli għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali meta valutazzjoni tad-domanda tas-suq jew tal-effetti mistennija fuq it-tariffi tkun indikat li ma jistax ikun mistenni li l-ispejjeż jiġu rkuprati mit-tariffi mħallsa mill-utenti tal-infrastruttura.

(36)

Il-bażi għad-diskussjoni dwar l-allokazzjoni xierqa tal-ispejjeż għandha tkun l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ proġett infrastrutturali abbażi ta’ metodoloġija armonizzata għall-analiżi tas-sistema kollha tal-enerġija, fil-qafas tal-pjanijiet ta’ għaxar snin għall-iżvilupp tan-netwerk ippreparati min-Netwerks Ewropej għall-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trasmissjoni (TSOs) skont ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali (18), u riveduta mill-Aġenzija.Dik l-analiżi tista’ tqis indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil ta’ unitajiet ta’ spejjeż ta’ investiment.

(37)

F’suq intern tal-enerġija li dejjem qed isir iktar integrat, hemm bżonn regoli ċari u trasparenti għall-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż biex jiġi aċċelerat l-investiment fl-infrastruttura transkonfinali. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 fakkar fl-importanza li jiġi promoss qafas regolatorju li jattira l-investimenti fin-netwerks, b’tariffi stabbiliti f’livelli konsistenti mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament u l-allokazzjoni xierqa tal-ispiża għal investimenti transkonfinali, filwaqt li jittejbu l-kompetizzjoni u l-kompetittività u filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-konsumaturi. Meta jiddeċiedu dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-impatt tagħha fuq it-tariffi nazzjonali ma jirrappreżentax piż sproporzjonat għall-konsumaturi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ukoll jevitaw ir-riskji ta’ appoġġ doppju għall-proġetti billi jqisu imposti u dħul attwali jew stmati. Dawk l-imposti u d-dħul għandhom jitqiesu biss sakemm jitfasslu biex ikopru l-ispejjeż konċernati u għandhom ikunu relatati kemm jista’ jkun mal-proġetti. Meta talba ta’ investiment tqis il-benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri konċernati, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsultaw lit-TSOs konċernati dwar l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji għall-proġett speċifiku.

(38)

Il-liġi eżistenti tas-suq intern tal-enerġija titlob li t-tariffi għall-aċċess għan-netwerks tal-gass u tal-elettriku jipprovdu inċentivi xierqa għall-investiment. Meta japplikaw il-liġi tas-suq intern tal-enerġija, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw qafas regolatorju stabbli u prevedibbli b’inċentivi għal proġetti ta’ interess komuni, inklużi l-inċentivi fit-tul, li jirriflettu l-livell ta’ riskju speċifiku tal-proġett. Dan japplika b’mod partikolari għat-teknoloġiji innovattivi tat-trasmissjoni għall-elettriku li jippermettu integrazzjoni fuq skala wiesgħa tal-enerġija rinnovabbli, tar-riżorsi tal-enerġija mqassma jew tar-rispons għad-domanda f’netwerks interkonnessi, u għall-infrastrutturi tat-trasmissjoni tal-gass li joffru kapaċità avvanzata jew flessibbiltà addizzjonali għas-suq biex jippermettu kummerċ f’perjodi qosra jew provvista ta’ riżerva f’każ ta’ interruzzjonijiet fil-provvista.

(39)

Dan ir-Regolament japplika biss għall-għoti tal-permessi għal, għall-parteċipazzjoni pubblika fi, u għat-trattament regolatorju ta’ proġetti ta’ interess komuni skont it-tifsira stabbilita fih. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali tagħhom, l-istess regoli jew regoli simili għal proġetti oħrajn li m’għandhomx l-istess status ta’ proġetti ta’ interess komuni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fir-rigward tal-inċentivi regolatorji, l-Istati Membri jistgħu japplikaw, permezz tal-liġi nazzjonali tagħhom, l-istess regoli jew regoli simili għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategorija ta’ ħżin ta’ elettriku.

(40)

L-Istati Membri li attwalment ma jipprevedux status legali tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli li huwa attribwibbli għal proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija fil-kuntest tal-proċessi tal-għoti tal-permessi, għandhom jikkunsidraw li jdaħħlu tali status, b’mod partikolari billi jevalwaw jekk dan iwassalx għal proċess iktar rapidu tal-għoti tal-permessi.

(41)

Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) wera l-valur miżjud tal-ingranaġġ ta’ finanzjament privat permezz ta’ assistenza finanzjarja sinifikanti tal-Unjoni li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ sinifikat Ewropew. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 irrikonoxxa li xi proġetti relatati mal-infrastruttura tal-enerġija jistgħu jirrikjedu finanzjament pubbliku limitat għall-ingranaġġ tal-finanzjament privat. Fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja u r-restrizzjonijiet baġitarji, għandu jiġi żviluppat appoġġ immirat, permezz ta’ għotjiet u strumenti finanzjarji, taħt il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, li jattira investituri ġodda lejn il-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija, filwaqt li l-kontribuzzjoni baġitarja tal-Unjoni tinżamm f’livell minimu. Il-miżuri rilevanti għandhom jissejsu fuq l-esperjenza miksuba matul il-fazi pilota wara l-introduzzjoni ta’ bonds ta’ proġetti biex jiġu ffinanzjati l-proġetti ta’ infrastruttura.

(42)

Il-proġetti ta’ interess komuni fl-oqsma tal-elettriku, il-gass u d-diossidu tal-karbonju għandhom ikunu eliġibbli biex jirċievu assistenza finanzjarja tal-Unjoni għal studji u, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal xogħlijiet malli tali finanzjament isir disponibbli taħt ir-Regolament rilevanti dwar Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” fil-forma ta’ għotjiet jew fil-forma ta’ strumenti finanzjarji innovattivi. Dan għandu jiżgura li jiġi pprovdut appoġġ personalizzat lil dawk il-proġetti ta’ interess komuni li ma jkunux vijabbli taħt il-qafas regolatorju u l-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti. Huwa importanti li tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari bejn proġetti li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-istess kuritur prijoritarju tal-Unjoni. Din l-assistenza finanzjarja għandha tiżgura s-sinerġiji meħtieġa mal-Fondi Strutturali, li se jiffinanzjaw in-netwerks internazzjonali intelliġenti tad-distribuzzjoni tal-enerġija ta’ importanza lokali jew reġjonali. Fi proġetti ta’ interess komuni tapplika loġika fi tliet stadji. L-ewwel, is-suq għandu jkollu l-prijorità li jinvesti. It-tieni, jekk l-investimenti ma jsirux mis-suq, għandhom jiġu studjati soluzzjonijiet regolatorji, jekk ikun meħtieġ il-qafas regolatorju rilevanti għandu jiġi aġġustat, u għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-qafas regolatorju rilevanti. It-tielet, meta l-ewwel żewġ stadji ma jkunux biżżejjed biex jiġu pprovduti l-investimenti meħtieġa fi proġetti ta’ interess komuni, tista’ tingħata assistenza finanzjarja tal-Unjoni jekk il-proġett ta’ interess komuni jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà applikabbli.

(43)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija u l-konnessjoni ma’ dawn in-netwerks, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(44)

Għalhekk ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 għandhom jiġu emendati skont dan.

(45)

Għalhekk, id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE għandha tiġi revokata,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-linji gwida għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura trans-Ewropea tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I (“kurituri u oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija”).

2.   B’mod partikolari, dan ir-Regolament:

(a)

jindirizza l-identifikazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija fl-elettriku, il-gass, iż-żejt, u d-diossidu tal-karbonju stabbiliti fl-Anness II (“kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija”);

(b)

jiffaċilita l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ proġetti ta’ interess komuni billi jissemplifika, jikkoordina aktar mill-qrib, u jħaffef il-proċessi tal-għoti tal-permessi u billi jtejjeb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku;

(c)

jipprovdi regoli u gwida għall-allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali u inċentivi marbuta mar-riskju għal proġetti ta’ interess komuni;

(d)

jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà ta’ proġetti ta’ interess komuni għal assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet provduti fid-Direttivi 2009/28/KE, 2009/72/KE u 2009/73/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009, u (KE) Nru 715/2009, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura tal-enerġija” tfisser kwalunkwe tagħmir fiżiku jew faċilità li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li jkunu jinsabu fl-Unjoni jew li jikkonnettjaw lill-Unjoni ma’ pajjiż jew pajjiżi terzi;

(2)

“deċiżjoni komprensiva” tfisser id-deċiżjoni jew is-sett ta’ deċiżjonijiet meħuda minn awtorità jew awtoritajiet ta’ Stat Membru li ma jinkludux il-qrati jew it-tribunali, li jiddeterminaw jekk promotur ta’ proġett għandux jingħata awtorizzazzjoni għall-bini tal-infrastruttura tal-enerġija biex iwettaq proġett mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe deċiżjoni meħuda fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell amministrattiv;

(3)

“proġett” tfisser linji, pipelines, faċilitajiet, tagħmir jew installazzjonijiet li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija;

(4)

“proġett ta’ interess komuni” tfisser proġett meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness I u li huwa parti mil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3;

(5)

“konġestjoni tal-infrastruttura tal-enerġija” tfisser limitazzjoni ta’ flussi fiżiċi f’sistema tal-enerġija minħabba kapaċità ta’ trasmissjoni insuffiċjenti, li tinkludi inter alia n-nuqqas ta’ infrastruttura;

(6)

“promotur ta’ proġett” tfisser waħda mis-segwenti:

(a)

TSO, operatur ta’ sistema tad-distribuzzjoni jew operatur jew investitur ieħor li jiżviluppa proġett ta’ interess komuni;

(b)

fejn ikun hemm diversi TSOs, operaturi ta’ sistema tad-distribuzzjoni, operaturi oħra, investituri jew kull grupp magħmul minn dawn, l-entità b’personalità legali taħt il-liġi nazzjonali applikabbli, li tkun intgħażlet b’arranġament kuntrattwali bejniethom u li jkollha l-kapaċità li tissodisfa l-obbligi legali u li terfa’ responsabbiltà finanzjarja għan-nom tal-partijiet fl-arranġament kuntrattwali;

(7)

“grid intelliġenti” tfisser netwerk tal-elettriku li jista’ jintegra b’mod kosteffiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha mqabbdin miegħu, inklużi — ġeneraturi, konsumaturi u dawk li kemm jiġġeneraw kif ukoll jikkunsmaw — sabiex tiġi żgurata sistema tal-enerġija effiċjenti mil-lat ekonomiku u sostenibbli bi ftit telf u b’livelli għoljin ta’ kwalità, sigurtà tal-provvista u sikurezza;

(8)

“xogħlijiet” tfisser ix-xiri, il-forniment u l-użu ta’ komponenti, sistemi u servizzi inkluż is-softwer, it-twettiq tal-iżvilupp u l-bini u l-attivitajiet ta’ installazzjoni relatati ma’ proġett, l-aċċettazzjoni tal-installazzjonijiet u t-tnedija ta’ proġett;

(9)

“studji” tfisser attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija ta’ implimentazzjoni tal-proġett, bħal studji preparatorji, tal-fattibilità, ta’ evalwazzjoni, ta’ ttestjar u ta’ validazzjoni, fosthom softwer, u kwalunkwe miżura oħra ta’ appoġġ tekniku li tinkludi azzjoni bil-quddiem sabiex jiġi definit u żviluppat proġett u sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-finanzjament tiegħu, bħal stħarriġ fuq il-post dwar is-siti kkonċernati u l-preparazzjoni tal-pakkett finanzjarju;

(10)

“awtorità regolatorja nazzjonali” tfisser awtorità regolatorja nazzjonali maħtura skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2009/72/KE jew l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2009/73/KE;

(11)

“ikkummissjonar” tfisser il-proċess li bih proġett jibda jopera, ladarba jkun inbena.

KAPITOLU II

PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

Artikolu 3

Lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi tnax-il Grupp Reġjonali (“Gruppi”), kif stabbilit fl-Anness III.1. Is-sħubija ta’ kull Grupp għandha tkun imsejsa fuq kull kuritur u qasam prijoritarju u l-kopertura ġeografika rispettiva tagħhom kif stabbilit fl-Anness I. Is-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Gruppi għandhom ikunu ristretti għall-Istati Membri u l-Kummissjoni, li għandhom, għal dawk il-finijiet, jissejħu bħala l-korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Gruppi.

2.   Kull Grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura proprja tiegħu, filwaqt li jikkunsidra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness III.

3.   Il-korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ kull Grupp għandu jadotta lista reġjonali ta’ proġetti proposti ta’ interess komuni mfassla skont il-proċess stabbilit fl-Anness III.2, skont il-kontribut ta’ kull proġett għall-implimentazzjoni tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija u skont jekk jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4.

Meta Grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu:

(a)

kull proposta individwali għal proġett ta’ interess komuni għandha tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat Membru, li l-proġett ikun marbut mat-territorju tiegħu/tagħhom; jekk Stat Membru jiddeċiedi li ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, għandu jippreżenta r-raġunijiet issostanzjati tiegħu għal dan lill-Grupp konċernat;

(b)

għandu jqis il-pariri tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jkun hemm għadd totali ġestibbli ta’ proġetti ta’ interess komuni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 16 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (“lista tal-Unjoni”), skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-TFUE. Il-lista tal-Unjoni għandha tieħu l-forma ta’ anness għal dan ir-Regolament.

Fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-Unjoni tiġi stabbilita kull sentejn, abbażi tal-listi reġjonali adottati mill-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Gruppi kif stabbilit fl-Anness III.1(2), wara l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

L-ewwel lista tal-Unjoni għandha tiġi adottata sat-30 ta’ Settembru 2013.

5.   Il-Kummissjoni, meta tadotta l-lista tal-Unjoni abbażi tal-listi reġjonali, għandha:

(a)

tiżgura li dawk il-proġetti li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 biss jiġu inklużi;

(b)

tiżgura l-konsistenza interreġjonali, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-Aġenzija kif imsemmi fl-Anness III.2(12);

(c)

tqis kwalunkwe opinjoni tal-Istati Membri kif imsemmi fl-Anness III.2(9); u

(d)

ikollha t-tir ta’ għadd totali ġestibbli ta’ proġetti ta’ interess komuni fil-lista tal-Unjoni.

6.   Il-proġetti ta’ interess komuni inklużi fil-lista tal-Unjoni skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom isiru parti integrali mill-pjanijiet ta’ investiment reġjonali rilevanti taħt l-Artikolu 12 tar-Regolamenti (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 u tal-pjanijiet nazzjonali ta’ għaxar snin għall-iżvilupp rilevanti taħt l-Artikolu 22 tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE u pjanijiet ta’ infrastruttura nazzjonali oħra kkonċernati, kif xieraq. Dawk il-proġetti għandhom jingħataw l-ogħla prijorità possibbli f’kull wieħed minn dawk il-pjanijiet.

Artikolu 4

Kriterji għal proġetti ta’ interess komuni

1.   Il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jissodisfaw il-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a)

il-proġett ikun meħtieġ għal tal-anqas wieħed mill-kurituri u mill-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija;

(b)

il-benefiċċji globali potenzjali tal-proġett, ivvalutati skont il-kriterji speċifiċi rispettivi fil-paragrafu 2, jegħlbu l-ispejjeż tiegħu, anke fuq żmien itwal; u

(c)

il-proġett jissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(i)

ikun jinvolvi mill-inqas żewġ Stati Membri permezz tal-qsim dirett tal-fruntieri ta’ żewġ Stati Membri jew aktar;

(ii)

ikun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jkollu impatt transkonfinali sinifikanti kif stabbilit fl-Anness IV.1;

(iii)

jaqsam il-fruntiera ta’ mill-anqas Stat Membru wieħed u pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea.

2.   Il-kriterji speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu f’kategoriji speċifiċi tal-infrastruttura tal-enerġija:

(a)

għal proġetti relatati mat-trasmissjoni u l-ħżin tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II.1(a) sa (d) il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

integrazzjoni tas-suq, inter alia permezz tat-tneħħija tal-iżolament ta’ mill-anqas Stat Membru wieħed u tat-tnaqqis tal-konġestjonijiet tal-infrastruttura tal-enerġija; kompetizzjoni u flessibbiltà tas-sistema;

(ii)

sostenibbiltà, inter alia permezz tal-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grid u tat-trasmissjoni tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’ċentri tal-konsum ewlenin u siti tal-ħżin;

(iii)

sigurtà tal-provvista, inter alia permezz ta’ interoperabbiltà, konnessjonijiet xierqa u operazzjoni ta’ sistema sigura u affidabbli;

(b)

għal proġetti relatati mal-gass li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II.2, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal mill-inqas wieħed mill-kriterji speċifiċi li ġejjin:

(i)

integrazzjoni tas-suq, inter alia permezz tat-tneħħija tal-iżolament ta’ mill-anqas Stat Membru wieħed u tat-tnaqqis tal-konġestjonijiet tal-infrastruttura tal-enerġija; interoperabbiltà u flessibbiltà tas-sistema;

(ii)

sigurtà tal-provvista, inter alia permezz ta’ konnessjonijiet xierqa u tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista, provvista ta’ kontropartijiet u rotot;

(iii)

kompetizzjoni, inter alia permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista u permezz tal-provvista ta’ kontropartijiet u rotot;

(iv)

sostenibbiltà, inter alia permezz tat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-appoġġ għall-ġenerazzjoni rinnovabbli intermittenti u t-titjib fl-użu tal-gass rinnovabbli;

(c)

għal proġetti relatati mal-grids intelliġenti tal-elettriku li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġijastabbilita fl-Anness II.1(e), il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i)

integrazzjoni u involviment tal-utenti tan-netwerk fir-rigward ta’ rekwiżiti tekniċi ġodda f’dak li jirrigwarda l-provvista u d-domanda għall-elettriku;

(ii)

effiċjenza u interoperabbiltà tat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku fl-operat ta’ kuljum tan-netwerk;

(iii)

sigurtà tan-netwerk, kontroll tas-sistema u kwalità tal-provvista;

(iv)

ippjanar ottimizzat ta’ investimenti kosteffiċjenti fin-netwerks fil-futur;

(v)

funzjonament tas-suq u servizzi għall-klijenti;

(vi)

involviment tal-utenti fil-ġestjoni tal-użu tal-enerġija tagħhom;

(d)

għal proġetti relatati mat-trasport taż-żejt li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II.3, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i)

sigurtà tal-provvista li tnaqqas id-dipendenza fuq sors wieħed jew rotta waħda ta’ provvista;

(ii)

użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi permezz ta’ mitigazzjoni tar-riskji ambjentali;

(iii)

interoperabbiltà;

(e)

għal proġetti relatati mat-trasport tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II.4, il-proġett għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-kriterji speċifiċi kollha li ġejjin:

(i)

l-evitar ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju filwaqt li tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

(ii)

iż-żieda tar-reżistenza u sigurtà tat-trasport tad-diossidu tal-karbonju;

(iii)

l-użu effiċjenti tar-riżorsi, billi jiġu konnessi diversi sorsi u siti tal-ħżin tad-diossidu tal-karbonju permezz ta’ infrastruttura komuni u billi jiġu mminimizzati l-piż u r-riskji ambjentali.

3.   Għal proġetti li jaqgħu fil-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija stabbiliti fl-Anness II. 1 sa 3, il-kriterji elenkati f’dan l-Artikolu għandhom jiġu vvalutati skont l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV.2 sa 5.

4.   Sabiex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-proġetti kollha li jistgħu jkunu eliġibbli bħala proġetti ta’ interess komuni u li jistgħu jiġu inklużi f’lista reġjonali, kull Grupp għandu jivvaluta l-kontribut ta’ kull proġett għall-implimentazzjoni tal-istess kuritur prijoritarju jew żona prijoritarja b’mod trasparenti u oġġettiv. Kull Grupp għandu jiddetermina l-metodu ta’ valutazzjoni tiegħu abbażi tal-kontribut aggregat għall-kriterji msemmija fil-paragrafu 2; dik il-valutazzjoni għandha twassal għall-klassifikazzjoni ta’ proġetti għall-użu intern tal-Grupp; La l-lista reġjonali u lanqas il-lista tal-Unjoni m’għandu jkun fiha xi klassifikazzjoni, u l-klassifikazzjoni m’għandhiex tintuża għal xi fini sussegwenti ħlief kif deskritt fl-Anness III.2(14).

Meta jivvaluta l-proġetti, kull Grupp għandu wkoll jagħti l-attenzjoni dovuta:

(a)

lill-urġenza ta’ kull wieħed mill-proġetti proposti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni li huma l-integrazzjoni tas-suq, inter alia permezz tat-tneħħija tal-iżolament ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed, u l-kompetizzjoni, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista;

(b)

l-għadd ta’ Stati Membri milquta minn kull proġett, filwaqt li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għal proġetti li jinvolvu Stati Membri periferiċi;

(c)

il-kontribut ta’ kull proġett għall-koeżjoni territorjali; u

(d)

il-komplementarjetà fir-rigward ta’ proġetti oħra proposti.

Għall-proġetti tal-grids intelliġenti li jaqgħu fil-kategorija tal-infrastruttura tal-enerġija stabbilita fl-Anness II.1(e), il-klassifikazzjoni għandha titwettaq għal dawk il-proġetti li jaffettwaw l-istess żewġ Stati Membri, u għandha tingħata wkoll attenzjoni lill-għadd ta’ utenti milquta mill-proġett, il-konsum annwali tal-enerġija u s-sehem ta’ ġenerazzjoni minn riżorsi mhux spedibbli fiż-żona koperta minn dawn l-utenti.

Artikolu 5

Implimentazzjoni u monitoraġġ

1.   Il-promoturi ta’ proġett għandhom ifasslu pjan ta’ implimentazzjoni għall-proġetti ta’ interess komuni li jinkludi skeda taż-żmien għas-segwenti kollha:

(a)

għall-istudji dwar il-fattibbiltà u t-tfassil;

(b)

l-approvazzjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn kwalunkwe awtorità oħra konċernata;

(c)

il-bini u l-ikkummissjonar;

(d)

l-iskeda tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikolu 10(4)(b).

2.   It-TSOs, l-operaturi ta’ sistema ta’ distribuzzjoni u operaturi oħra għandhom jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ interess komuni fiż-żona tagħhom.

3.   L-Aġenzija u l-Gruppi konċernati għandhom jimmonitorjaw il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni u, jekk ikun meħtieġ, għandhom jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni. Il-Gruppi jistgħu jitolbu li informazzjoni addizzjonali tiġi pprovduta f’konformità mal-paragrafi 4, 5 u 6, isejħu laqgħat mal-partijiet rilevanti u jistiednu lill-Kummissjoni tivverifika l-informazzjoni pprovduta fil-post.

4.   Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena wara s-sena tal-inklużjoni tal-proġett ta’ interess komuni fil-lista tal-Unjoni skont l-Artikolu 3, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu rapport annwali, għal kull proġett li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1 u 2, lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 8 u jew lill-Aġenzija jew, għall-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.3 u 4, lill-Grupp rispettiv. Dak ir-rapport għandu jipprovdi dettalji dwar:

(a)

il-progress miksub fl-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar tal-proġett, b’mod partikolari fir-rigward ta’ proċeduri tal-għoti tal-permessi u l-konsultazzjoni;

(b)

fejn huwa rilevanti, id-dewmien meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni, ir-raġunijiet għal dan id-dewmien u diffikultajiet oħra ffaċċjati;

(c)

fejn huwa rilevanti, pjan rivedut bl-għan li jegħleb id-dewmien.

5.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla tar-rapporti annwali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tissottometti lill-Gruppi rapport konsolidat għall-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1 u 2, li jevalwa l-progress miksub u jagħmel, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet dwar kif jingħelbu d-dewmien u d-diffikultajiet li jinstabu. Dak ir-rapport konsolidat għandu jevalwa wkoll, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(8) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009, l-implimentazzjoni konsistenti tal-pjanijiet ta’ żvilupp tan-netwerk fl-Unjoni fir-rigward tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija.

6.   Kull sena, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 8 għandhom jirrapurtaw lill-Grupp rispettiv dwar il-progress u, fejn rilevanti, dwar id-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom fir-rigward tal-proċessi tal-għoti tal-permessi, u tar-raġunijiet għal dan id-dewmien.

7.   Jekk l-ikkummissjonar ta’ proġett ta’ interess komuni jiddewwem meta mqabbel mal-pjan ta’ implimentazzjoni, ħlief għal raġunijiet predominanti li mhumiex fil-kontroll tal-promotur tal-proġett::

(a)

sakemm il-miżuri msemmija fl-Artikolu 22(7) (a), (b) jew (c) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE huma applikabbli skont il-liġijiet nazzjonali rispettivi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li l-investiment jitwettaq;

(b)

jekk il-miżuri tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali skont il-punt (a) ma jkunux applikabbli, il-promotur ta’ proġett għandu jagħżel parti terza biex tiffinanzja jew tibni parti mill-proġett jew il-proġett kollu. Il-promotur ta’ proġett għandu jagħmel dan qabel ma jaqbeż is-sentejn id-dewmien meta mqabbel mad-data tal-ikkummissjonar fil-pjan ta’ implimentazzjoni;

(c)

jekk parti terza ma tintgħażilx skont il-punt (b), l-Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jkun ippreveda hekk, l-awtorità regolatorja nazzjonali jistgħu, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-perijodu msemmi fil-punt (b), jinnominaw parti terza biex tiffinanzja jew tibni l-proġett li l-promotur tal-proġett għandu jaċċetta;

(d)

jekk id-dewmien jaqbeż is-sentejn u xahrejn meta mqabbel mad-data tal-ikkummissjonar fil-pjan ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni, skont il-ftehim u bil-kooperazzjoni sħiħa tal-Istati Membri konċernati, tista’ tniedi sejħa għall-proposti miftuħa għal kwalunkwe parti terza li kapaċi ssir promotur ta’ proġett biex twettaq il-proġett skont l-iskeda taż-żmien miftiehma;

(e)

meta jiġu applikati l-punti (c) jew (d), l-operatur tas-sistemi, li l-investiment ikun jinsab fiż-żona tiegħu, għandu jipprovdi lill-operaturi jew lill-investituri jew lill-parti terza li jkunu qed jimplimentaw proġett l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-investiment, għandu jikkonnettja assi ġodda man-netwerk tat-trasmissjoni u, b’mod ġenerali, għandu jagħmel l-almu kollu tiegħu biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-investiment u l-operat u l-manutenzjoni tal-proġett ta’ interess komuni b’mod sigur, affidabbli u effiċjenti.

8.   Proġett ta’ interess komuni jista’ jitneħħa mil-lista tal-Unjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3(4), jekk l-inklużjoni tiegħu f’dik il-lista kienet ibbażata fuq informazzjoni żbaljata li kienet fattur determinanti għal dik l-inklużjoni, jew il-proġett ma jkunx f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

9.   Proġetti li m’għadhomx fil-lista tal-Unjoni għandhom jitilfu d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta mal-istatus tal-proġett ta’ interess komuni li jirriżultaw minn dan ir-Regolament.

Madankollu, proġett li m’għadux fil-lista tal-Unjoni iżda li għalih ġie aċċettat fajl ta’ applikazzjoni biex jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti, għandu jżomm id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-Kapitolu III, ħlief fil-każ fejn il-proġett m’għadux fil-lista għar-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafu 8.

10.   Dan l-artikolu m’għandu jkun ta’ preġudizzju għall-ebda assistenza finanzjarja mogħtija lil kwalunkwe proġett ta’ interess komuni qabel ma dan jitneħħa mil-lista tal-Unjoni.

Artikolu 6

Koordinaturi Ewropej

1.   Fejn proġett ta’ interess komuni jesperjenza diffikultajiet ta’ implimentazzjoni sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tagħżel, bi qbil mal-Istati Membri kkonċernati, koordinatur Ewropew għal perijodu massimu ta’ sena li jista’ jiġġedded darbtejn.

2.   Il-Koordinatur Ewropew għandu:

(a)

jippromwovi l-proġetti li għalihom ikun intgħażel bħala koordinatur Ewropew u jippromovi d-djalogu transkonfinali bejn il-promoturi ta’ proġett u l-partijiet interessati kollha kkonċernati;

(b)

jassisti l-partijiet kollha kif inhu meħtieġ fil-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati kkonċernati fil-ksib tal-permessi meħtieġa għall-proġetti;

(c)

jekk ikun xieraq, jagħti pariri lill-promoturi tal-proġetti dwar il-finanzjament tal-proġett;

(d)

jiżgura li jingħataw appoġġ u direzzjoni strateġika xierqa mill-Istati Membri kkonċernati għall-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

(e)

jissottometti rapport lill-Kummissjoni kull sena, u jekk ikun xieraq, kif jintemm il-mandat tiegħu, dwar il-progress tal-proġetti u dwar kwalunkwe diffikultajiet u ostakli li aktarx li jtawlu b’mod sinifikanti d-data tal-ikkummissjonar tal-proġetti. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Gruppi kkonċernati.

3.   Il-koordinatur Ewropew għandu jintgħażel abbażi tal-esperjenza tiegħu fir-rigward tal-kompiti speċifiċi assenjati lilu għall-proġetti kkonċernati.

4.   Id-deċiżjoni li jintgħażel koordinatur Ewropew għandha tispeċifika t-termini ta’ referenza li jipprovdu dettalji dwar it-tul taż-żmien tal-mandat, il-kompiti speċifiċi u l-iskadenza taż-żmien korrispondenti u l-metodoloġija li għandha tiġi segwita. L-isforz ta’ koordinazzjoni għandu jkun proporzjonat għall-kumplessità u l-ispejjeż stmati tal-proġetti.

5.   L-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-koordinatur Ewropew fit-twettiq tal-kompiti tiegħu msemmija fil-paragrafi 2 u 4.

KAPITOLU III

GĦOTI TAL-PERMESSI U PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

Artikolu 7

“Status prijoritarju” ta’ proġetti ta’ interess komuni

1.   L-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni għandha tistabbilixxi, għall-finijiet ta’ kwalunkwe deċiżjoni maħruġa fil-proċess tal-għoti tal-permessi, in-neċessità ta’ dawn il-proġetti mill-perspettiva tal-politika dwar l-enerġija, mingħajr preġudizzju għall-post eżatt, ir-rotot jew it-teknoloġija tal-proġett.

2.   Bil-għan li jiġi żgurat ipproċessar amministrattiv effiċjenti tal-fajls ta’ applikazzjoni marbuta ma’ proġetti ta’ interess komuni, il-promoturi ta’ proġett u l-awtoritajiet konċernati kollha għandhom jiżguraw li jingħata l-iżjed trattament rapidu li huwa legalment possibbli lil dawn il-fajls.

3.   Fejn tali status jeżisti fil-liġi nazzjonali, il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu allokati l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali possibbli u jiġu ttrattati bħala tali fil-proċessi għall-għoti tal-permessi — u jekk il-liġi nazzjonali tipprevedi hekk, fl-ippjanar spazjali — inklużi dawk marbuta ma’ valutazzjonijiet ambjentali, bil-mod li dan it-trattament ikun previst fil-liġi nazzjonali applikabbli għat-tip ta’ infrastruttura tal-enerġija korrispondenti.

4.   Sa is-16 ta’ Awwissu 2013, il-Kummissjoni għandha toħroġ gwida mhux vinkolanti biex tappoġġa lill-Istati Membri fid-definizzjoni ta’ miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi adegwati biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali u biex tkun żgurata l-applikazzjoni koerenti tal-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali meħtieġa mil-liġi tal-Unjoni għal proġetti ta’ interess komuni.

5.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw, filwaqt li jqisu kif dovut il-gwida msemmija fil-paragrafu 4, liema miżuri huma possibbli biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri ta’ valutazzjoni ambjentali u biex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tagħhom, u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat.

6.   Sa disa’ xhur mid-data tal-ħruġ tal-gwida msemmija fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri mhux leġislattivi li jkunu identifikaw fil-paragrafu 5.

7.   Sa 24 xahar mid-data tal-ħruġ tal-gwida msemmija fil-paragrafu 4, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri leġislattivi li jkunu identifikaw fil-paragrafu 5. Dawn il-miżuri għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni.

8.   Fir-rigward tal-impatti ambjentali indirizzati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 92/43/KEE u l-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60/KE, il-proġetti ta’ interess komuni għandhom jiġu kkunsidrati li huma ta’ interess pubbliku minn perspettiva ta’ politika dwar l-enerġija, u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala interest pubbliku prevalenti, sakemm il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’dawn id-Direttivi jiġu ssodisfati.

Jekk tkun meħtieġa l-opinjoni tal-Kummissjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE, skont l-Artikolu 9, il-Kummissjoni u l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni dwar l-interess pubbliku prevalenti ta’ proġett tittieħed fil-limitu taż-żmien skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi

1.   Sa is-16 ta’ Novembru 2013, kull Stat Membru għandu jagħżel awtorità kompetenti nazzjonali waħda li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta’ interess komuni.

2.   Ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 u/jew il-kompiti relatati magħha jistgħu jiġu delegati lil, jew jitwettqu minn, awtorità oħra, għal kull proġett ta’ interess komuni jew għal kull kategorija ta’ proġetti ta’ interess komuni, sakemm:

(a)

l-awtorità kompetenti tinnotifika lill-Kummissjoni ta’ dik id-delegazzjoni u l-informazzjoni fiha tiġi ppubblikata jew mill-awtorità kompetenti jew mill-promotur tal-proġett fil-websajt imsemmija fl-Artikolu 9(7);

(b)

awtorità waħda biss tkun responsabbli għal kull proġett ta’ interess komuni, tkun l-uniku punt ta’ kuntatt għall-promotur tal-proġett fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni komprensiva għal proġett speċifiku ta’ interess komuni, u tikkoordina t-tressiq tad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti kollha.

L-awtorità kompetenti tista’ żżomm ir-responsabbiltà li tistabbilixxi limiti taż-żmien, mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti skont l-Artikolu 10.

3.   Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti rilevanti taħt il-liġi tal-Unjoni u d-dritt Internazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tieħu azzjonijiet biex tiffaċilita l-ħruġ tad-deċiżjoni komprensiva. Id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ fil-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 10(1) u (2) u skont waħda mill-iskemi li ġejjin:

(a)   skema integrata: id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ mill-awtorità kompetenti u għandha tkun l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li tirriżulta mill-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi. Meta awtoritajiet oħra jkunu kkonċernati mill-proġett, skont il-liġi nazzjonali dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala input għall-proċedura li għandha tiġi kkunsidrata mill-awtorità kompetenti;

(b)   skema koordinata: id-deċiżjoni komprensiva tinkludi bosta deċiżjonijiet individwali legalment vinkolanti maħruġa minn diversi awtoritajiet konċernati, li għandhom jiġu kkoordinati mill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi grupp ta’ ħidma fejn l-awtoritajiet konċernati kollha jkunu rappreżentati sabiex tiġi mfassla skeda ta’ għoti tal-permessi skont l-Artikolu 10(4)(b), u biex tiġi monitorjata u koordinata l-implimentazzjoni tagħha. L-awtorità kompetenti għandha, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, meta jkun applikabbli skont il-liġi nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti skont l-Artikolu 10, tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ każ b’każ, limitu taż-żmien raġonevoli li matulu għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. L-awtorità kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni individwali f’isem awtorità nazzjonali oħra kkonċernata, jekk id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tasalx fil-limitu taż-żmien u jekk id-dewmien ma jkunx jista’ jiġi ġġustifikat b’mod adegwat; jew, fejn previst taħt il-liġi nazzjonali, u sakemm dan ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità kompetenti tista’ tikkunsidra li awtorità nazzjonali oħra konċernata jew tat l-approvazzjoni jew ir-rifjut tagħha tal-proġett jekk id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tingħatax sal-limitu taż-żmien. Fejn previst taħt il-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista’ tinjora deċiżjoni individwali ta’ awtorità nazzjonali oħra konċernata jekk tikkunsidra li d-deċiżjoni mhijiex ssostanzjata biżżejjed fir-rigward tal-evidenza ppreżentata mill-awtorità nazzjonali kkonċernata; meta tagħmel dan, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li r-rekwiżiti rilevanti skont il-liġi internazzjonali u tal-Unjoni jiġu rrispettati u għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha b’mod korrett;

(c)   skema kollaborattiva: id-deċiżjoni komprensiva għandha tiġi kkoordinata mill-awtorità kompetenti. L-awtorità kompetenti għandha, b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, meta jkun applikabbli skont il-leġislazzjonileġislazzjoni nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti skont l-Artikolu 10, tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ każ b’każ, limitu taż-żmien raġonevoli li matulu għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. Għandha timmonitorja l-konformità mal-limiti taż-żmien min-naħa tal-awtoritajiet konċernati.

Jekk ikun mistenni li deċiżjoni individwali mill-awtorità konċernata ma tkunx se tittieħed fil-limitu taż-żmien, dik l-awtorità għandha tinforma lill-awtorità kompetenti bla dewmien u tinkludi ġustifikazzjoni għad-dewmien. Sussegwentement, l-awtorità kompetenti għandha terġa’ tistabbilixxi l-limitu taż-żmien li fih dik id-deċiżjoni individwali għandha tinħareġ, filwaqt li tibqa’ tikkonforma mal-limiti taż-żmien ġenerali stabbiliti skont l-Artikolu 10.

Filwaqt li jirrikonoxxu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali fi proċessi ta’ ppjanar u ta’ għoti tal-permessi, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn it-tliet skemi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu biex jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-proċeduri tagħhom u għandhom jagħżlu li jimplimentaw l-iskema l-aktar effikaċi. Fejn Stat Membru jagħżel l-iskema kollaborattiva, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet dwar dan. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-effikaċja tal-iskemi fir-rapport previst fl-Artikolu 17.

4.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi differenti kif stabbilit fil-paragrafu 3 għal proġetti onshore u offshore ta’ interess komuni.

5.   Jekk proġett ta’ interess komuni jitlob li d-deċiżjonijiet jittieħdu f’żewġ Stati Membri jew iktar, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi għandhom jieħu l-passi neċessarji kollha għal kooperazzjoni u koordinazzjoni effiċjenti u effettivi bejniethom, inkluż fir-rigward tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(4). L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu proċeduri konġunti, speċjalment fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatti ambjentali.

Artikolu 9

Trasparenza u parteċipazzjoni tal-pubbliku

1.   Sa is-16 ta’ Mejju 2014, l-Istat Membru jew l-awtorità kompetenti għandhom, meta jkun applikabbli b’kollaborazzjoni ma’awtoritajiet oħra kkonċernati, tippubblika manwal ta’ proċeduri għall-proċess għall-għoti tal-permessi applikabbli għal proġetti ta’ interess komuni. Il-manwal għandu jiġi aġġornat kif ikun meħtieġ u jkun disponibbli għall-pubbliku. Il-manwal għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni speċifikata fl-Anness VI.1. Il-manwal m’għandux ikun legalment vinkolanti, iżda jista’ jirreferi għal, jew jikkwota dispożizzjonijiet legali rilevanti.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rekwiżit abbażi tal-Konvenzjonijiet Aarhus u Espoo u l-liġi rilevanti tal-Unjoni, il-partijiet kollha involuti fil-proċess għall-għoti tal-permessi għandhom jimxu fuq il-prinċipji tal-parteċipazzjoni al-pubbliku stabbiliti fl-Anness VI.3.

3.   Il-promotur ta’ proġett għandu jfassal u jissottometti, fi żmien perijodu indikattiv ta’ tliet xhur mill-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi skont l-Artikolu 10(1)(a), kunċett dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku lill-awtorità kompetenti, skont il-proċess deskritt fil-manwal imsemmi fil-paragrafu 1 u b’konformità mal-linji gwida stabbiliti fl-Anness VI. L-awtorità kompetenti għandha titlob modifiki jew tapprova l-kunċett tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi żmien tliet xhur; meta tagħmel dan, l-awtorità kompetenti għandha tqis kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku li seħħew qabel il-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi, sakem tali parteċipazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

Meta l-promotur ta’ proġett ikun biħsiebu jagħmel bidliet sinifikanti għal kunċett approvat, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar dan. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti tista’ titlob modifiki.

4.   Mill-inqas konsultazzjoni pubblika waħda għandha titwettaq mill-promotur ta’ proġett, jew, fejn meħtieġ mil-liġi nazzjonali, mill-awtorità kompetenti, qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni finali u komplet lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 10(1)(a). Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe konsultazzjoni pubblika li għandha ssir wara s-sottomissjoni tat-talba għal kunsens għall-iżvilupp skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2011/92/UE. Il-konsultazzjoni pubblika għandha tinforma lill-partijiet interessati msemmija fl-Anness VI.3(a), dwar il-proġett fi stadju bikri u għandha tgħin biex jiġu identifikati l-iżjed post jew perkors xierqa u l-kwistjonijiet rilevanti li għandhom jiġu indirizzati fil-fajl tal-applikazzjoni. Ir-rekwiżiti minimi applikabbli għal din il-konsultazzjoni pubblika huma speċifikati fl-Anness VI.5.

Il-promotur ta’ proġett għandu jħejji rapport li jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-attivitajiet relatati mal-parteċipazzjoni tal-pubbliku qabel is-sottomissjoni tal-fajl tal-applikazzjoni, fosthom dawk l-attivitajiet li seħħew qabel il-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi. Il-promotur ta’ proġett għandu jippreżenta dak ir-rapport flimkien mal-fajl tal-applikazzjoni lill-awtorità kompetenti. Dawn ir-riżultati għandhom jitqiesu kif xieraq fid-deċiżjoni komprensiva.

5.   Għal proġetti li jaqsmu l-fruntieri ta’ żewġ Stati Membri jew iżjed, il-konsultazzjonijiet pubbliċi, skont il-paragrafu 4, f’kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati għandhom isiru f’perijodu ta’ mhux iżjed minn xahrejn mid-data li fiha tkun inbdiet l-ewwel konsultazzjoni tal-pubbliku.

6.   Għal proġetti li x’aktarx ikollhom impatti negattivi transkonfinali sinifikanti fi Stat Membru wieħed jew iżjed tal-viċinat, fejn ikunu applikabbli l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/92/UE u l-Konvenzjoni Espoo, l-informazzjoni rilevanti għandha tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tal-viċinat. L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri tal-viċinat għandha tindika, fil-proċess tan-notifika meta jkun xieraq, jekk hi, jew xi awtorità oħra kkonċernata, tixtieqx tipparteċipa fil-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika rilevanti.

7.   Il-promotur ta’ proġett, jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi dan, l-awtorità kompetenti, għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw regolarment sit elettroniku b’informazzjoni rilevanti dwar il-proġett ta’ interess komuni, li għandha tkun konnessa mas-sit elettroniku tal-Kummissjoni u li għandu jissodisfa r-rekwiżiti speċifikati fl-Anness VI.6. Informazzjoni kummerċjalment sensittiva għandha tinżamm kunfidenzjali.

Barra minn dan, il-promoturi ta’ proġett għandhom ukoll jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ mezzi ta’ informazzjoni xierqa oħra, li għalihom il-pubbliku għandu jkollu aċċess liberu.

Artikolu 10

Tul taż-żmien u implimentazzjoni tal-proċess għall-għoti tal-permessi

1.   Il-proċess għall-għoti tal-permessi għandu jikkonsisti minn żewġ proċeduri:

(a)

il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, li tkopri l-perijodu bejn il-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi u l-aċċettazzjoni tal-fajl ta’ applikazzjoni sottomess mill-awtorità kompetenti, għandha ssir fi żmien perijodu indikattiv ta’ sentejn.

Din il-proċedura għandha tinkludi t-tħejjija ta’ kwalunkwe rapport ambjentali li għandu jitħejja mill-promoturi tal-proġetti.

Bil-għan li jiġi stabbilit il-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi, il-promoturi ta’ proġett għandhom jinnotifikaw il-proġett lill-awtorità kompetenti tal-Istati kkonċernati bil-miktub, u għandhom jinkludu deskrizzjoni raġonevolment dettaljata tal-proġett. Mhux iżjed minn tliet xhur wara l-wasla tan-notifika, l-awtorità kompetenti għandha, anke f’isem awtoritajiet oħra kkonċernati, tirrikonoxxi, jew jekk tqis li l-proġett ma laħaqx biżżejjed maturità biex jidħol fil-proċess għall-għoti tal-permessi, tirrifjuta n-notifika bil-miktub. F’każ ta’ rifjut, l-awtorità kompetenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, anke f’isem awtoritajiet oħra kkonċernati. Id-data tal-iffirmar tar-rikonoxximent tan-notifika mill-awtorità kompetenti għandha sservi bħala l-bidu tal-proċess għall-għoti tal-permessi. Fejn ikunu kkonċernati żewġ Istati Membri jew iżjed, id-data tal-aċċettazzjoni tal-aħħar notifika mill-awtorità kompetenti kkonċernata għandha sservi bħala d-data tal-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi.

(b)

Il-proċedura statutorja għall-għoti tal-permessi, li tkopri l-perijodu mid-data tal-aċċettazzjoni tal-fajl tal-applikazzjoni sottomess sakemm tittieħed id-deċiżjoni komprensiva, m’għandhiex taqbeż sena u sitt xhur. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data iktar kmieni għal-limitu taż-żmien jekk dan jitqies xieraq.

2.   Id-durata kombinata taż-żewġ proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex taqbeż perijodu ta’ tliet snin u sitt xhur. Madankollu, meta l-awtorità kompetenti tqis li waħda mill-fażijiet jew iż-żewġ proċeduri tal-proċess tal-għoti tal-permessi mhux se jiġu kkompletati qabel il-limiti taż-żmien stabbiliti fil-paragrafu 1, tista’ tiddeċiedi, qabel ma jintemmu u fuq il-bażi ta’ każ b’każ, li testendi wieħed minn dawk il-limiti jew iż-żewġ limiti taż-żmien b’massimu ta’ disa’ xhur għaż-żewġ proċeduri kombinati.

F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Grupp ikkonċernat u tippreżenta lill-Grupp il-miżuri kkonċernati meħuda jew li għandhom jittieħdu biex il-proċess tal-għoti tal-permessi jiġi konkluż blinqas dewmien ta’ żmien possibbli. Il-Grupp jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti tirrapporta regolarment dwar il-progress miksub f’dan ir-rigward.

3.   Fi Stati Membri li fihom id-determinazzjoni ta’ rotta jew post, imwettqa unikament għall-għan speċifiku ta’ proġett ippjanat, inkluż l-ippjanar ta’ kurituri speċifiċi għall-infrastrutturi tal-grids, ma tistax tiġi inkluża fil-proċess li jwassal għad-deċiżjoni komprensiva, id-deċiżjoni korrispondenti għandha tittieħed fi żmien perijodu separat ta’ sitt xhur, li jibda mid-data tas-sottomissjoni mill-promotur tad-dokumenti ta’ applikazzjoni finali u kompleti.

F’dak il-każ, il-perijodu ta’ estensjoni msemmi fil-paragrafu 2 għandu jitnaqqas għal sitt xhur, anke għall-proċedura msemmija f’dan il-paragrafu.

4.   Il-proċedura ta’ preapplikazzjoni għandha tinkludi l-passi li ġejjin:

(a)

malli tiġi rikonoxxuta n-notifika, skont il-paragrafu 1(a), l-awtorità kompetenti għandha tidentifika, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet l-oħra kkonċernati, u meta jkun xieraq abbażi ta’ proposta mill-promotur tal-proġett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-materjal u l-livell ta’ dettall tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa mill-promotur ta’ proġett, bħala parti mill-fajl tal-applikazzjoni, biex japplika għad-deċiżjoni komprensiva. Il-lista ta’ verifika msemmija fl-Anness VI.1(e) għandha sservi bħala bażi għal din l-identifikazzjoni;

(b)

l-awtorità kompetenti għandha tfassal, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-promotur ta’ proġett u ma’ awtoritajiet oħra kkonċernati u filwaqt li tikkunsidra r-riżultati tal-attivitajiet imwettqa skont il-punt (a), kalendarju dettaljat għall-proċess tal-għoti tal-permessi skont il-linji gwida stabbiliti fl-Anness VI.(2);

Għal proġetti li jaqsmu l-fruntiera bejn żewġ Stati Membri jew iżjed, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom iħejju kalendarju konġunt, li fihom jippruvaw jallinjaw l-iskedi ta’ żmien tagħhom;

(c)

malli tirċievi l-abbozz tal-fajl tal-applikazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha, jekk ikun meħtieġ, u anke f’isem awtoritajiet oħra kkonċernati, tagħmel talbiet ulterjuri rigward informazzjoni nieqsa li għandha tiġi sottomessa mill-promotur ta’ proġett, li jistgħu jindirizzaw biss is-suġġetti identifikati fil-punt (a). Fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-informazzjoni nieqsa, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta għall-eżami l-applikazzjoni bil-miktub. Talbiet għal informazzjoni ulterjuri jistgħu jsiru biss jekk ikunu ġustifikati minn ċirkustanzi ġodda.

5.   Il-promotur ta’ proġett għandu jiżgura l-kompletezza u n-natura adegwata tal-fajl tal-applikazzjoni, u għandu jitlob l-opinjoni tal-awtorità kompetenti dwar dan mill-iktar fis possibbli matul il-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni. Il-promotur ta’ proġett għandu jikkoopera bis-sħiħ mal-awtorità kompetenti biex jiġu rispettati l-iskadenzi u l-iskeda dettaljata kif definit fil-paragrafu 4(b).

6.   Il-limiti ta’ żmien stipulati f’dan l-Artikolu se jkunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi li joħorġu mil-liġi internazzjonali u tal-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għal proċeduri amministrattivi ta’ appell u rimedji ġudizzjarji quddiem qorti jew tribunal.

KAPITOLU IV

TRATTAMENT REGOLATORJU

Artikolu 11

Analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija

1.   Sa is-16 ta’ Novembru 2013, in-Netwerk ta’ Operaturi tas-Sistemi tat-Trasmissjoni (ENTSO) għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jippubblikaw u jissottomettu lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija l-metodoloġiji rispettivi tagħhom, inkluż fuq l-immudellar tan-netwerk u tas-suq, għal analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ sistema tal-enerġija armonizzata fil-livell tal-Unjoni għal proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fl-Anness II.1(a) sa (d) u l-Anness II.2. Dawn il-metodoloġiji għandhom jiġu applikati għat-tħejjija ta’ kull pjan deċennali sussegwenti għall-iżvilupp tan-netwerk żviluppat mill-ENTSOs għall-Elettriku jew l-ENTSO għall-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009. Il-metodoloġiji għandhom jiġu mfassla f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V u għandhom ikunu konsistenti mar-regoli u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness IV.

Qabel ma jissottomettu l-metodoloġiji rispettivi tagħhom, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom iwettqu proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li jinvolvi tal-anqas l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha — u, jekk jitqies xieraq, il-partijiet interessati stess — l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet nazzjonali oħra.

2.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-metodoloġiji, l-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar il-metodoloġiji u tippubblikaha.

3.   Fi żmien tliet xhur mill-wasla tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-Kummissjoni għandha, u l-Istati Membri jistgħu, jagħtu opinjoni dwar il-metodoloġiji. L-opinjonijiet għandhom jiġu sottomessi lill-ENTSO għall-Elettriku jew lill-ENTSO għall-Gass.

4.   Fi żmien tliet xhur mid-data tal-wasla tal-aħħar opinjoni li tkun waslet skont il-paragrafu 3, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jadattaw il-metodoloġiji tagħhom filwaqt li jqisu b’mod dovut l-opinjonijiet li jaslu mill-Istati Memebri, l-opinjoni tal-Kummissjoni u l-opinjoni tal-Aġenzija, u jissottomettuhom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

5.   Fi żmien ġimagħtejn mill-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jippubblikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fuq is-siti elettroniċi tagħhom. Huma għandhom jittrażmettu s-settijiet ta’ data tal-input korrispondenti, kif definiti fl-Anness V.1, u data oħra rilevanti dwar in-netwerk, il-fluss tat-tagħbija u s-suq f’forma preċiża biżżejjed, skont il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet dwar il-kunfidenzjalità rilevanti, lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija, meta mitluba jagħmlu dan. Id-data għandha tkun valida fid-data tat-talba. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali tad-data li taslilhom, min-naħa tagħhom stess u min-naħa ta’ kwalunkwe parti li twettaq xogħol analitiku għalihom abbażi ta’ dik id-data.

6.   Il-metodoloġiji għandhom jiġu aġġornati u mtejba regolarment f’konformitá mal-paragrafi 1 sa 5. L-Aġenzija, fuq inizjattivi proprja jew fuq talba motivata kif xieraq mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew il-partijiet interessati, u wara li tikkonsulta formalment l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha u lill-Kummissjoni, tista’ titlob tali aġġornament u titjib bil-ġustifikazzjoni u t-termini ta’ żmien dovuti. L-Aġenzija għandha tippubblika t-talba/talbiet mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew mill-partijiet interessati u d-dokumenti rilevanti kollha mhux kummerċjalment sensittivi li jwasslu għal talba mill-Aġenzija għal aġġornament jew titjib.

7.   Sa is-16 ta’ Mejju 2015, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jikkooperaw fil-qafas tal-Aġenzija għandhom jistabbilixxu u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku sett ta’ indikaturi u valuri ta’ referenza korrispondenti għat-tqabbil ta’ unitajiet ta’ spejjeż ta’ investimentgħal proġetti paragunabbli tal-kategoriji tal-infrastruttura inklużi fl-Anness II.1 u 2. Dawk il-valuri ta’ referenza jistgħu jintużaw mill-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-gas għall-analiżijiet tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż imwettqa għal pjanijiet deċennali sussegwenti għall-iżvilupp tan-netwerks.

8.   Sal-31 ta’ Diċembru 2016, l-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass għandhom jissottomettu b’mod konġunt lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija mudell konsistenti u interkonness għas-suq u għan-netwerk tal-elettriku u tal-gass li jinkludi kemm l-infrastruttura tat-trasmissjoni tal-elettriku u l-gass kif ukoll il-faċilitajiet tal-ħżin u tal-LNG u li jkopru l-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura tal-enerġija u mfassla f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness V. Wara l-approvazzjoni ta’ dan il-mudell mill-Kummissjoni skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4, dawn għandhom jiġu inklużi fil-metodoloġiji.

Artikolu 12

Permess għal investimenti b’impatti transkonfinali

1.   L-ispejjeż tal-investiment imġarrba b’mod effiċjenti, li jeskludu l-ispejjeż tal-manutenzjoni, marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fl-Anness II.1(a), (b) u (d) u l-Anness II.2 għandhom jiġu koperti trażmissjomit-TSO rilevanti jew mill-promoturi tal-proġetti tal-infrastruttura tat-trasmissjoni tal-Istati Membri li l-proġett jipprovdilhom impatt pożittiv nett, u, sakemm ma jkunux koperti b’kirjiet ta’ konġestjoni jew imposti oħra, għandhom jitħallsu mill-utenti tan-netwerks permezz ta’ tariffi għall-aċċess għan-netwerks f’dak l-Istat Membru jew f’dawk l-Istati Membri.

2.   Għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a), (b) u (d) u l-Anness II.2, il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk mill-inqas promotur ta’ proġett wieħed jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti japplikaw dan l-Artikolu għall-ispejjeż kollha tal-proġett jew għal parti minnhom. Għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.2, il-paragrafu 1 għandujapplika biss meta tkun twettqet valutazzjoni tad-domanda tas-suq li wriet li wieħed ma jistax jistenna li l-ispejjeż ta’ investiment imġarrba b’mod effiċjenti jiġu koperti mit-tariffi.

Meta proġett ikollu diversi promoturi ta’ proġett, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali rilevanti għandhom, mingħajr dewmien, jitolbu lill-promoturi ta’ proġett kollha jissottomettu t-talba tal-investiment b’mod konġunt skont il-paragrafu 3.

3.   Għal proġett ta’ interess komuni li għalih jiġi applikat il-paragrafu 1, il-promoturi ta’ proġett għandu/hom iżommu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati infurmati regolarment, tal-anqas darba fis-sena, u sakemm il-proġett jiġi kkummissjonat, bil-progress ta’ dak il-proġett u l-identifikazzjoni tal-ispejjeż u l-impatti assoċjati miegħu.

Hekk kif tali proġett ikun laħaq biżżejjed maturità, il-promoturi ta’ proġett, wara li jkun(u) ikkonsulta(w) lit-TSOs mill-Istati Membri li għalihom il-proġetti jipprovdu impatt pożittiv nett sinifikanti, għandu/hom jissottometti/u talba ta’ investiment. Dik it-talba ta’ investiment għandha tinkludi talba għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali u għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati kollh a, akkompanjata minn dawn li ġejjin:

(a)

analiżi tal-benefiċċji u l-ispejjeż speċifika għall-proġett konsistenti mal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 u filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji lil hinn mill-fruntieri tal-Istat Membru kkonċernat;

(b)

pjan ta’ negozju li jevalwa l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġett, inkluża s-soluzzjoni ta’ finanzjament magħżula, u għal proġett ta’ interess komuni li jaqa’ fil-kategorija msemmija fl-Anness II.2, ir-riżultati tal-ittestjar tas-suq; u

(c)

jekk il-promoturi tal-proġett jaqblu, proposta ssostanzjata għal allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali.

Jekk proġett jiġi promoss minn diversi promoturi ta’ proġett, dawn għandhom jissottomettu t-talba ta’ investiment tagħhom b’mod konġunt.

Għal proġetti inklużi fl-ewwel lista tal-Unjoni, il-promoturi ta’ proġett għandhom jissottomettu t-talba ta’ investiment tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2013.

Kopja ta’ kull talba ta’ investiment għandha tiġi trażmessa għal skopijiet ta’ informazzjoni u mingħajr dewmien mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija malli tasal.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

4.   Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet l-aħħar talba ta’ investiment mingħand l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, wara li jikkonsultaw mal-promoturi tal-proġett ikkonċernati, jieħdu deċiżjonijiet ikkoordinati dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-investiment li għandhom jiġu koperti minn kull operatur tas-sistema għall-proġett, kif ukoll dwar l-inklużjoni tagħhom fit-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jallokaw biss parti mill-ispejjeż jew jistgħu jiddeċiedu li jallokaw l-ispejjeż fuq pakkett ta’ diversi proġetti ta’ interess komuni.

Meta jkunu qed jallokaw l-ispejjeż, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iqisu l-ammonti reali jew stmati:

tal-kirjiet ta’ konġestjoni jew imposti oħra,

id-dħul mill-mekkaniżmu ta’ kumpens għall-operaturi ta’ sistemi ta’ intertrasmissjoni stabbilit skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, għandhom jiġu kkunsidrati l-ispejjeż u l-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proġetti fl-Istati Membri kkonċernati u l-possibbiltà li jkun hemm bżonn appoġġ finanzjarju.

Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhiex issir allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali relevanti, f’konsultazzjoni mat-TSOs ikkonċernati, għandhom jipprovaw jilħqu ftehim reċiproku bbażat fuq l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3(a) u (b) imma mhux limitat għaliha.

Jekk proġett ta’ interess komuni jkun ta’ mitigazzjoni għall-esternalitajiet negattivi, bħat-trasferimenti f’ċirku, u dak il-proġett ta’ interess komuni jiġi implimentat fl-Istat Membru minn fejn oriġinat din l-esternalità negattiva, tali mitigazzjoni m’għandhiex titqies bħala benefiċċju transkonfinali u għaldaqstant m’għandhiex tikkostitwixxi bażi għall-allokazzjoni tal-ispejjeż lit-TSO tal-Istati Membri milquta minn dawk l-esternalitajiet negattivi.

5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, abbażi tal-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż kif imsemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jikkunsidraw l-ispejjeż attwali mġarrba minn TSO jew promotur ieħor ta’ proġett bħala riżultat tal-investimenti meta jistabbilixxu jew japprovaw it-tariffi skont l-Artikolu 37(1)(a) tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikolu 41(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, sakemm dawn l-ispejjeż jikkorrispondu għal dawk ta’ operatur effiċjenti u strutturalment komparabbli.

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi nnotifikata, mingħajr dewmien, mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali lill-Aġenzija, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, l-informazzjoni għandha tinkludi r-raġunijiet dettaljati li abbażi tagħhom ikunu ġew allokati l-ispejjeż fost l-Istati Membri, bħalma huma dawn li ġejjin:

(a)

evalwazzjoni tal-impatti identifikati, inklużi dawk li jikkonċernaw it-tariffi tan-netwerks, fuq kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati;

(b)

evalwazzjoni tal-pjan ta’ negozju msemmi fil-paragrafu 3(b);

(c)

l-esternalitajiet pożittivi reġjonali jew mifruxa fl-Unjoni kollha ġġenerati mill-proġett;

(d)

ir-riżultat tal-konsultazzjoni tal-promoturi ta’ proġett ikkonċernati.

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi ppubblikata.

6.   Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati ma jkunux laħqu ftehim dwar it-talba ta’ investiment fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tkun waslet it-talba mingħand l-aħħar awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, dawn għandhom jinfurmaw lill-Aġenzija mingħajr dewmien.

F’dan il-każ jew fuq talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati, id-deċiżjoni dwar it-talba ta’ investiment li tinkludi l-allokazzjoni transkonfinali tal-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll il-metodu ta’ kif l-ispiża tal-investimenti hi riflessa fit-tariffi għandha tittieħed mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Aġenzija.

Qabel ma tieħu tali deċiżjoni, l-Aġenzija għandha tikkonsulta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati u l-promoturi ta’ proġett. Il-perijodu ta’ tliet xhur imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jiġi estiż b’perijodu addizzjonali ta’ xahrejn meta jkun hemm bżonn iżjed informazzjoni mill-Aġenzija. Dak il-perijodu addizzjonali għandu jibda fil-jum wara l-wasla tal-informazzjoni kompluta.

Id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha tiġi ppubblikata. L-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 għandhom ikunu applikabbli.

7.   Kopja tad-deċiżjonijiet kollha dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha fir-rigward ta’ kull deċiżjoni, għandha tiġi notifikata, mingħajr dewmien, mill-Aġenzija lill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni tista’ tiġi sottomessa f’forma aggregata. Il-Kummissjoni għandha żżomm il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

8.   Din id-deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż m’għandhiex taffettwa d-dritt tat-TSOs li japplikaw u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li japprovaw bidliet għal aċċess għal netwerks skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72/KE u tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

9.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għall-proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew:

(a)

eżenzjoni mill-Artikoli 32, 33, 34 u l-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73/KE skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE;

(b)

eżenzjoni mill-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew eżenzjoni mill-Artikolu 32 u l-Artikolu 37(6) u (10) tad-Direttiva 2009/72/KE skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(c)

eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE (20); jew

(d)

eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (21).

Artikolu 13

Inċentivi

1.   Meta promotur ta’ proġett iġarrab riskji akbar għall-iżvilupp, il-kostruzzjoni, l-operat jew il-manutenzjoni ta’ proġett ta’ interess komuni li jaqa’ taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a), (b) u (d) u l-Anness II.2, meta mqabbla mar-riskji li jittieħdu normalment minn proġett ta’ infrastruttura komparabbli, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li jingħataw inċentivi xierqa lil dak il-proġett b’konformità mal-Artikolu 37(8) tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 41(8) tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika fejn il-proġett ta’ interess komuni jkun irċieva:

(a)

eżenzjoni mill-Artikoli 32, 33, 34 u l-Artikolu 41(6), (8) u (10) tad-Direttiva 2009/73/KE skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2009/73/KE;

(b)

eżenzjoni mill-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew eżenzjoni mill-Artikoli 32 u 37(6) u (10) tad-Direttiva 2009/72/KE skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009;

(c)

eżenzjoni skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2003/55/KE; jew

(d)

eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003.

2.   Id-deċiżjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-għoti tal-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 għandha tikkunsidra r-riżultati tal-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 u b’mod partikolari l-esternalitajiet pożittivi reġjonali jew fl-Unjoni kollha ġġenerati mill-proġett. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom janalizzaw ulterjorment ir-riskji speċifiċi meħuda mill-promoturi ta’ proġett, il-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju meħuda u l-ġustifikazzjoni ta’ dan il-profil tar-riskju fid-dawl tal-impatt pożittiv nett ipprovdut mill-proġett, meta mqabbel ma’ alternattiva ta’ riskju aktar baxx. Ir-riskji eliġibbli għandhom jinkludu b’mod partikolari riskji marbuta ma’ teknoloġiji ta’ trasmissjoni ġodda, kemm fuq l-art kif ukoll barra mill-kosta, riskji relatati mal-insuffiċjenza fil-kopertura tal-ispejjeż u riskji relatati mal-iżvilupp.

3.   L-inċentiv mogħti bid-deċiżjoni għandu jikkunsidra n-natura speċifika tar-riskju sostnut u jista’ jkopri fost affarijiet oħra:

(a)

ir-regoli għal investiment antiċipatorju; jew

(b)

ir-regoli għar-rikonoxximent tal-ispejjeż imġarrba b’mod effiċjenti qabel l-ikkummissjonar tal-proġett; jew

(c)

ir-regoli għall-provvista ta’ ritorn addizzjonali fuq il-kapital investit għall-proġett; jew

(d)

kwalunkwe miżura oħra li hija meqjusa meħtieġa u xierqa.

4.   Sal-31 ta’ Lulju 2013, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippreżenta lill-Aġenzija l-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati għall-evalwazzjoni ta’ investimenti fi proġetti fl-infrastruttura tal-elettriku u l-gass u r-riskji akbar li jieħdu huma, fejn ikunu disponibbli.

5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2013, waqt li tqis kif dovut l-informazzjoni li tkun irċeviet skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba u toħroġ rakkomandazzjonijiet bi qbil mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009 rigward:

(a)

l-inċentivi msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ parametraġġ ta’ riferiment tal-aħjar prattika mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali;

(b)

metodoloġija komuni li tevalwa r-riskji akbar sostnuti għal investimenti fi proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku u l-gass.

6.   Sal-31 ta’ Marzu 2014, kull awtorità regolatorja nazzjonali għandha tippubblika l-metodoloġija tagħha u l-kriterji użati għall-evalwazzjoni ta’ investimenti fi proġetti tal-infrastruttura tal-elettriku u l-gass u r-riskji akbar li tkun sostniet.

7.   Fejn il-miżuri msemmijin fil-paragrafi 5 u 6 mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti ta’ interess komuni, il-Kummissjoni tista’ toħroġ linji gwida dwar l-inċentivi stabbiliti f’dan l-Artikolu.

KAPITOLU V

FINANZJAMENT

Artikolu 14

Eliġibbiltà ta’ proġetti għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni

1.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1, 2 u 4 huma eliġibbli għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal studji u strumenti finanzjarji.

2.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a) sa (d) u l-Anness II.2, minbarra proġetti ta’ ħżin tal-elettriku ppumpjat bl-ilma, huma eliġibbli wkoll għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet, jekk jissodisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a)

l-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż speċifika għall-proġett skont l-Artikolu 12(3)(a) tipprovdi provi li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ esternalitajiet pożittivi sinifikanti, bħas-sigurtà tal-provvista, is-solidarjetà jew l-innovazzjoni;

(b)

il-proġett ikun irċieva deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali skont l-Artikolu 12; jew, fir-rigward tal-proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu taħt il-kategorija mniżżla fl-Anness II.1(c) u li għaldaqstant ma jirċevux deċiżjoni dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali, il-proġett għandu jimmira li jipprovdi servizzi bejn il-fruntieri, li jġib miegħu innovazzjoni teknoloġika u li jiżgura s-sikurezza tal-operazzjoni tal-grid transkonfinali;

(c)

il-proġett ma jkunx kummerċjalment vijabbli skont il-pjan tan-negozju u evalwazzjonijiet oħra mwettqa, speċjalment minn investituri jew kredituri possibbli jew mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Id-deċiżjoni dwar l-inċentivi u l-ġustifikazzjoni tagħha msemmija fl-Artikolu 13(2) għandha tittieħed meta tiġi evalwata l-vijabbiltà kummerċjali tal-proġett;

3.   Proġetti ta’ interess komuni mwettqa b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(7)(d) għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet jew jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Proġetti ta’ interess komuni li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(e) u 4 għandhom ikunu eliġibbli wkoll għal assistenza finanzjarja mill-Unjoni fil-forma ta’ għotjiet għal xogħlijiet, jekk il-promoturi tal-proġett ikkonċernati jkunu jistgħu juru b’mod ċar l-esternalitajiet pożittivi sinifikanti ġġenerati mill-proġetti u n-nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali tagħhom, skont il-pjan ta’ negozju jew evalwazzjonijiet oħra mwettqa, speċfikament minn investituri jew kredituri possibbli jew, fejn ikun applikabbli, awtorità regolatorja nazzjonali.

Artikolu 15

Gwida għall-kriterji biex tingħata l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni

Il-kriterji speċifiċi stipulati fl-Artikolu 4(2) u l-parametri stipulati fl-Artikolu 4(4) għandhom jissodisfaw ukoll ir-rwol ta’ objettivi għall-iskop li jiġu stabbiliti l-kriterji biex tingħata l-assistenza finanzjarja mill-Unjoni fir-Regolament rilevanti dwar il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”.

Artikolu 16

L-eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mill-15 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ dan il-perijodu. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ [xahrejn] min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’[xahrejn] fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Rapportar u evalwazzjoni

Sa mhux iktar tard mill-2017, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu jipprovdi evalwazzjoni:

(a)

tal-progress miksub għall-ippjanar, l-iżvilupp, il-kostruzzjoni u l-ikkummissjonar ta’ proġetti ta’ interess komuni magħżula skont l-Artikolu 3, u, fejn rilevanti, id-dewmien fl-implimentazzjoni u diffikultajiet oħra ffaċċjati;

(b)

tal-fondi impenjati u żburżati mill-Unjoni għal proġetti ta’ inttal-fondi użati u żburżati mill-Unjoni għal proġetti ta’ interess komuni skont id-dispożizzjonijiet tar-[Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”], imqabbla mal-valur totali tal-proġetti ta’ interess komuni ffinanzjati;eress komuni, imqabbla mal-valur totali tal-proġetti ta’ interess komuni ffinanzjati;

(c)

għas-setturi tal-elettriku u l-gass, tal-evoluzzjoni tal-livell ta’ interkonnessjoni bejn l-Istati Membri, l-evoluzzjoni korrispondenti tal-prezzijiet tal-enerġija, kif ukoll l-għadd ta’ avvenimenti ta’ falliment tas-sistema tan-netwerk, il-kawżi tagħhom u l-ispiża ekonomika relatata;

(d)

għall-għoti tal-permessi u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, b’mod partikolari:

(i)

tat-tul ta’ żmien totali medju u massimu tal-proċessi tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta’ interess komuni, inkluż it-tul ta’ żmien ta’ kull pass tal-proċedura ta’ qabel l-applikazzjoni, imqabbla maż-żmien previst mit-tragwardi ewlenin tal-bidu msemmija fl-Artikolu 10(4);

(ii)

tal-livell ta’ oppożizzjoni ffaċċjat minn proġetti ta’ interess komuni (speċjalment l-għadd ta’ osservazzjonijiet bil-miktub waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, l-għadd ta’ azzjonijiet għal rikors legali);

(iii)

ta’ ħarsa ġenerali lejn l-aħjar prattiki u l-prattiki innovattivi fir-rigward tal-involviment tal-partijiet interessati u l-mitigazzjoni tal-impatt ambjentali waqt il-proċessi tal-għoti tal-permessi u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

(iv)

tal-effikaċja tal-iskemi previsti fl-Artikolu 8(3) rigward il-konformità mal-limiti ta’ żmien stipulati skont l-Artikolu 10;

(e)

għat-trattament regolatorju, b’mod partikolari:

(i)

tal-għadd ta’ proġetti ta’ interess komuni li ngħataw deċiżjoni dwar allokazzjoni ta’ spejjeż transkonfinali skont l-Artikolu 12;

(ii)

tal-għadd u t-tip ta’ proġetti ta’ interess komuni li jkunu rċevew inċentivi speċifiċi skont l-Artikolu 13;

(f)

tal-effikaċja ta’ dan ir-Regolament biex jikkontribwixxi għall-għanijiet għall-integrazzjoni tas-suq sal-2014 u l-2015, għall-objettivi klimatiċi u enerġetiċi għall-2020, u, fuq żmien itwal, għal bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju sal-2050.

Artikolu 18

Informazzjoni u pubbliċità

Il-Kummissjoni, sa sitt xhur wara d-data meta tiġi adottata l-ewwel lista tal-Unjoni, għandha tistabbilixxi pjattaforma għat-trasparenza tal-infrastruttura li tkun faċilment aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali, anke permezz tal-internet. Din il-pjattaforma għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

informazzjoni ġenerali, aġġornata, inkluża informazzjoni ġeografika, għal kull proġett ta’ interess komuni;

(b)

il-pjan ta’ implimentazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 5(1), għal kull proġett ta’ interess komuni;

(c)

ir-riżultati ewlenin tal-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż abbażi tal-metodoloġija mfassla skont l-Artikolu 11 għall-proġetti ta’ interess komuni kkonċernati, minbarra informazzjoni kummerċjalment sensittiva;

(d)

il-lista tal-Unjoni;

(e)

il-fondi allokati u żburżati mill-Unjoni għal kull proġett ta’ interess komuni.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-għoti, il-kontinwazzjoni jew il-modifikazzjoni ta’ assistenza finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni abbażi ta’ sejħiet għal proposti mnedija taħt ir-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija (22) għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE jew fid-dawl tal-miri, ibbażati fuq il-kategoriji rilevanti tan-nefqa għat-TEN-E, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (23).

Għall-proġetti ta’ interess komuni fil-proċess għall-għoti tal-permessi li għalihom promotur ta’ proġetti jkun ressaq fajl ta’ applikazzjoni qabel is-16 ta’ Novembru 2013, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III m’għandhomx japplikaw.

Artikolu 20

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 713/2009

Fir-Regolament (KE) Nru 713/2009, paragrafu 1 tal-Artikolu 22 jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Id-drittijiet għandhom ikunu dovuti lill-Aġenzija biex tintalab deċiżjoni dwar eżenzjoni skont l-Artikolu 9(1) u għad-deċiżjonijiet dwar allokazzjoni tal-ispejjeż transkonfinali li tipprovdi l-Aġenzija skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (*).

Artikolu 21

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 714/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

għodda komuni għall-operazzjoni tan-netwerk biex jiġi żgurat il-koordinament tal-operazzjoni tan-netwerk f’kundizzjonijiet normali u ta’ emerġenza, inkluża skala għall-klassifikazzjoni tal-inċidenti komuni, u pjanijiet ta’ riċerka; Din l-għodda għandha tispeċifika fost affarijiet oħra:

(i)

l-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni xierqa minn ġurnata qabel, tal-istess jum, u f’ħin reali, li tkun utli għat-titjib tal-koordinament operattiv, kif ukoll il-frekwenza ottimali għall-ġbir u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ta’ dan it-tip;

(ii)

il-pjattaforma teknoloġika għall-iskambju ta’ informazzjoni f’ħin reali u fejn ikun xieraq, il-pjattaformi teknoloġiċi għall-ġbir, l-ipproċessar u t-trasmissjoni tal-informazzjoni l-oħra msemmija fil-punt (i), kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-proċeduri li jkunu kapaċi jżidu l-koordinament operattiv bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni bil-ħsieb li koordinament ta’ dan it-tip jibda jseħħ fl-Unjoni kollha kemm hi;

(iii)

kif l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni se jqiegħdu l-informazzjoni operattiva għad-diżpożizzjoni tal-operaturi l-oħra tas-sistemi ta’ trasmissjoni jew ta’ kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut li tappoġġahom fil-kisba tal-koordinament operattiv, u tal-Aġenzija; u

(iv)

li l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni jaħtru punt ta’ kuntatt responsabbli biex iwieġeb għall-mistoqsijiet minn operaturi oħrajn ta’ sistemi ta’ trasmissjoni jew minn kwalunkwe entità oħra li tkun ingħatat il-mandat dovut kif imsemmi fil-punt (iii), jew mill-Aġenzija fir-rigward tal-informazzjoni ta’ dan it-tip.

L-ENTSO tal-Elettriku għandha tissosttometti l-ispeċifikazzjonijiet adottati rigward il-punti (i) sa (iv) ta’ hawn fuq lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni sa is-16 ta’ Mejju 2015.

Fi żmien 12-il xahar minn meta jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet, l-Aġenzija għandha toħroġ opinjoni li fiha tikkunsidra jekk humiex qed jikkontribwixxu biżżejjed għall-promozzjoni tal-kummerċ transkonfinali u għall-iżgurar tal-ġestjoni ottimali, tal-operazzjoni kkoordinata, tal-użu effiċjenti u tal-evoluzzjoni teknika soda tan-netwerk Ewropew għat-trasmissjoni tal-elettriku.”;

(b)

fil-paragrafu 10, il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jibni fuq pjanijiet ta’ investiment nazzjonali, waqt li jitqiesu l-pjanijiet ta’ investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Unjoni tal-ippjanar tan-netwerk, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (**); għandu jkun soġġett għal analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-ispejjeż permezz tal-metodoloġija stabbilita kif stipulat fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament;

(**)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.”;"

(2)

L-Artikolu 11 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Elettriku msemmi fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.”;

(3)

fl-Artikolu 18, qed jiddaħħal paragrafu ġdid li ġej:

“4a.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-koordinament operattiv bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni fil-livell tal-Unjoni. Dawk il-linji gwida għandhom ikunu konsistenti mal-kodiċijiet tan-netwerk imsemmijin fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament u jibnu fuqhom, u għandhom jibnu fuq l-ispeċifikazzjonijiet adottati u l-opinjoni tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 8(3)(a) ta’ dan ir-Regolament. Meta tkun qed tadotta dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rekwiżiti operattivi reġjonali u nazzjonali li jvarjaw bejniethom.

Dawk il-linji gwida għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(3).”;

(4)

fl-Artikolu 23, qed jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (***).

(***)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”;"

Artikolu 22

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 715/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 8(10), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

“(a)

jibni fuq pjanijiet ta’ investiment nazzjonali, waqt li jitqiesu l-pjanijiet ta’ investiment reġjonali kif imsemmijin fl-Artikolu 12(1), u, jekk ikun il-każ, l-aspetti tal-Unjoni tal-ippjanar tan-netwerk, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (****); għandu jkun soġġett għal analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-ispejjeż permezz tal-metodoloġija stabbilita kif stipulat fl-Artikolu 11 ta’ dak ir-Regolament.

(****)  ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.”;"

(2)

L-Artikolu 11 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż relatati mal-attivitajiet tal-ENTSO tal-Gass imsemmi fl-Artikoli 4 sa 12 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 għandhom jiġġarrbu mill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u għandhom jitqiesu fil-kalkolu tat-tariffi. L-awtoritajiet regolatorji għandhom japprovaw dawn l-ispejjeż biss jekk ikunu raġonevoli u xierqa.”.

Artikolu 23

Tħassir

Id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE hija hawnhekk imħassra mill-1 ta’ Jannar 2014. M’għandhom jirriżultaw l-ebda drittijiet taħt dan ir-Regolament għall-proġetti elenkati fl-Annessi I u III għad-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013 bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 14 u 15 li għandhom japplikaw mid-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament rilevanti dwar il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa”.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ April 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 125.

(2)  ĠU C 277, 13.9.2012, p. 137.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2013.

(4)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-prijoritajiet għall-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u lil hinn (ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 46).

(5)  ĠU L 262, 22.9.2006, p. 1.

(6)  Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(7)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(8)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(9)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75.

(10)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(11)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(12)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(13)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(14)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(15)  ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1.

(16)  ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30.

(17)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

(18)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(19)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31.

(20)  Id-Direttiva 2003/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 rigward regoli komuni għas-suq intern fil-gass naturali (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 57).

(21)  Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1).

(22)  ĠU L 162, 22.6.2007, p. 1.

(23)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.


ANNESS I

KURITURI U OQSMA PRIJORITARJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kurituri u l-oqsma ta’ prijorità tal-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropej li ġejjin:

1.   KURITURI PRIJORITARJI TAL-ELETTRIKU

(1)

Il-Grid Barra mill-Kosta tal-Ibħra tat-Tramuntana (“NSOG” — Northern Seas Offshore Grid): l-iżvilupp ta’ grid tal-elettriku integrata barra mill-kosta u l-interkonnetturi relatati fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Baħar Irlandiż, il-Kanal Ingliż, il-Baħar Baltiku u l-ilmijiet fil-viċin għat-trasport tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija barra mill-kosta rinnovabbli lejn ċentri ta’ konsum u ħżin u għaż-żieda tal-iskambju tal-elettriku transkonfinali.

Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, l-Isvezja;

(2)

Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI West Electricity”): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tar-reġjun u maż-żona tal-Mediterran, inkluża l-peniżola Iberika, speċjalment biex jintegraw l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jsaħħu l-infrastrutturi tal-grids interni biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Renju Unit, Spanja;

(3)

Interkonnessjonijiet tal-elettriku Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u x-Xlokk tal-Ewropa (“NSI East Electricity”): interkonnessjonijiet u linji interni fid-direzzjonijiet ta’ Tramuntana-Nofsinhar u Lvant-Punent biex jikkompletaw is-suq intern u jintegraw il-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja (1), il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ungerija;

(4)

Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fl-elettriku (Baltic Energy Market Interconnection Plan “BEMIP tal-Elettriku”): interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri fir-reġjun Baltiku u r-rinfurzar ta’ infrastrutturi tal-grid interni skont dan, biex jintemm l-iżolament tal-Istati Baltiċi u biex titrawwem l-integrazzjoni tas-suq fost affarijiet oħra billi jkun hemm ħidma lejn l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fir-reġjun.

Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.

2.   KURITURI PRIJORITARJI TAL-GASS

(5)

Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa (“NSI West Gas”): infrastruttura tal-gass għal flussi tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Punent tal-Ewropa biex ikomplu jiddiversifikaw ir-rotot tal-provvista u biex tiżdied il-kapaċità ta’ kunsinna ta’ gass fi żmien qasir.

Stati Membri kkonċernati: il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Renju Unit, Spanja;

(6)

Interkonnessjonijiet tal-gass Tramuntana-Nofsinhar fil-Lvant Ċentrali u fix-Xlokk tal-Ewropa (“NSI East Gas”): infrastruttura tal-gass għall-konnessjonijiet tal-gass reġjonali bejn ir-reġjun tal-Baħar Baltiku, l-Ibħra Adrijatiku u tal-Eġew, il-Baħar Mediterran tal-Lvant u l-Baħar l-Iswed u għat-tisħiħ tad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-gass;

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja (1), il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ungerija;

(7)

Kuritur tal-Gass tan-Nofsinhar (“SGC”): infrastruttura għat-trasmissjoni ta’ gass mill-Baċir tal-Kaspju, l-Asja Ċentrali, il-Lvant Nofsani u l-Baċir Mediterranju tal-Lvant lill-Unjoni sabiex tissaħħaħ id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja (2), il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Ungerija;

(8)

Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq Baltiku tal-Enerġija fil-gass (“BEMIP Gas”): infrastruttura tal-gass li ttemm l-iżolament tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja u d-dipendenza tagħhom fuq fornitur wieħed, li ssaħħaħ l-infrastrutturi tal-grids interni u li żżid id-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvisti fir-reġjun tal-Baħar Baltiku.

Stati Membri kkonċernati: id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, l-Isvezja.

3.   KURITUR PRIJORITARJU TAŻ-ŻEJT

(9)

Konnessjonijiet tal-provvista taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa (“OSC”): interoperabbiltà tan-netwerk tal-pipelines taż-żejt fil-Lvant Ċentrali tal-Ewropa għaż-żieda tas-sigurtà tal-provvista u t-tnaqqis tar-riskji ambjentali.

Stati Membri kkonċernati: l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Kroazja (2), il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, l-Ungerija.

4.   OQSMA TEMATIĊI PRIJORITARJI

(10)

Użu tal-grids intelliġenti: adozzjoni ta’ teknoloġiji ta’ grids intelliġenti fl-Unjoni li jintegraw b’mod effiċjenti l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha għan-netwerk tal-elettriku, b’mod partikolari l-ġenerazzjoni ta’ ammonti kbar ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jew distribwiti u r-rispons għad-domanda mill-konsumaturi.

Stati Membri kkonċernati: kollha;

(11)

Awtostradi tal-elettriku: l-ewwel awtostradi tal-elettriku sal-2020, fid-dawl tal-bini ta’ sistema ta’ awtostradi tal-elettriku fl-Unjoni li hija kapaċi:

(a)

takkomoda l-ġenerazzjoni żejda tal-enerġija mir-riħ li qiegħda dejjem tiżdied fl-Ibħra tat-Tramuntana u l-Baltiku u madwarhom u żżid il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fil-Lvant u t-Tramuntana tal-Ewropa kif ukoll fl-Afrika ta’ Fuq;

(b)

torbot dawn iċ-ċentri ġodda ta’ ġenerazzjoni mal-kapaċitajiet ta’ ħżin importanti fil-pajjiżi Nordiċi, fl-Alpi u f’reġjuni oħra b’ċentri ta’ konsum ewlenin, u

(c)

tlaħħaq ma’ provvista tal-elettriku dejjem iżjed varjabbli u deċentralizzata u ma’ domanda flessibbli għall-elettriku.

Stati Membri kkonċernati: kollha;

(12)

Netwerk transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju: żvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi terzi tal-viċinat biex ikunu jistgħu jiġu attivati l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju.

Stati Membri kkonċernati: kollha.


(1)  Soġġett għad-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, minn din id-data.

(2)  Soġġett għad-data tal-adeżjoni tal-Kroazja, minn din id-data.


ANNESS II

KATEGORIJI TAL-INFRASTRUTTURA TAL-ENERĠIJA

Il-kategoriji tal-infrastruttura tal-enerġija li għandhom jiġu żviluppati sabiex jiġu implimentati l-prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija elenkati fl-Anness I huma dawn li ġejjin:

(1)

fir-rigward tal-elettriku:

(a)

il-fili għat-trasmissjoni ta’ vultaġġ għoli ’l fuq mill-art, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 220 kV jew iżjed, u kejbils għat-trasmissjoni taħt l-art u taħt il-baħar, jekk ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta’ 150 kV jew iżjed;

(b)

fir-rigward b’mod partikolari tal-awtostradi tal-elettriku; kwalunkwe tagħmir fiżiku ddisinjat biex jippermetti t-trasport tal-elettriku fuq il-livell ta’ vultaġġ għoli u għoli ħafna, bil-ħsieb li ammonti kbar ta’ elettriku ġġenerat jew maħżun fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri jew pajjiżi terzi jiġu konnessi mal-konsum tal-elettriku fuq skala kbira fi Stat Membru jew f’diversi Stati Membri;

(c)

il-faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku li jintużaw għall-ħżin tal-elettriku fuq bażi temporanja jew permanenti f’infrastruttura jew siti ġeoloġiċi taħt l-art jew fuq l-art, sakemm dawn ikunu konnessi direttament ma’ fili għat-trasmissjoni b’vultaġġ għoli ddisinjati għal vultaġġ ta’ 110 kV jew iżjed;

(d)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistemi definiti fil-punti (a) sa (c) joperaw b’sikurezza, sigurtà u effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll fil-livelli kollha tal-vultaġġ u fis-substazzjonijiet kollha;

(e)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni, kemm fil-livell tat-trasmissjoni u kif ukoll tad-distribuzzjoni b’vultaġġ medju, li jimmira lejn komunikazzjoni diġitali bidirezzjonali, f’ħin reali jew viċin il-ħin reali, monitoraġġ u ġestjoni interattivi u intelliġenti tal-ġenerazzjoni, it-trasmissjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-elettriku fi ħdan netwerk tal-elettriku bl-għan li jiġi żviluppat netwerk li b’mod effiċjenti jintegra l-imġiba u l-azzjonijiet tal-utenti kollha konnessi miegħu — ġeneraturi, konsumaturi u dawk li jagħmlu t-tnejn — sabiex jiġu żgurati sistema tal-elettriku ekonomikament effiċjenti, sostenibbli, b’telf baxx u b’livelli għoljin ta’ kwalità, sigurtà tal-provvista u sikurezza;

(2)

fir-rigward tal-gass:

(a)

il-pipelines ta’ trasmissjoni għat-trasport tal-gass naturali u l-bijogass li jiffurmaw parti minn netwerk li jinkludi primarjament pipelines bi pressa għolja, apparti l-pipelines bi pressa għolja li jintużaw għal distribuzzjoni upstream jew lokali ta’ gass naturali;

(b)

il-faċilitajiet għall-ħżin taħt l-art konnessi mal-imsemmija pipelines tal-gass bi pressa għolja;

(c)

il-faċilitajiet ta’ riċeviment, ħżin u rigassifikazzjoni jew dekompressjoni għal gass naturali likwifikati (LNG) jew gass naturali kkompressat (CNG);

(d)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema topera b’sikurezza, b’sigurtà u b’effiċjenza jew biex tippermetti kapaċità bidirezzjonali, inklużi l-istazzjonijiet ta’ kompressjoni;

(3)

fir-rigward taż-żejt:

(a)

il-pipelines użati għat-trasport ta’ żejt mhux maħdum;

(b)

l-istazzjonijiet tal-ippumpjar u l-faċilitajiet ta’ ħżin meħtieġa għall-operazzjoni tal-pipelines għaż-żejt mhux maħdum;

(c)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod adattat, b’sigurtà u b’effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll u l-apparat ta’ inverżjoni tal-fluss;

(4)

fir-rigward tad-diossidu tal-karbonju:

(a)

il-pipelines dedikati, minbarra netwerks ta’ pipelines upstream, użati għat-trasport ta’ diossidu tal-kabonju minn iżjed minn sors wieħed, jiġifieri installazzjonijiet industrijali (inklużi impjanti tal-enerġija) li jipproduċu gass tad-diossidu tal-karbonju mill-kombustjoni jew reazzjonijiet kimiċi oħra li jinvolvu komposti fossili jew mhux fossili li fihom il-karbonju, għall-finijiet tal-ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(b)

il-faċilitajiet għal-likwifikazzjoni u l-ħżin intermedju tad-diossidu tal-karbonju fil-prospettiva tat-trasport ulterjuri tiegħu. Dan ma jinkludix l-infrastruttura ġo formazzjoni ġeoloġika li tintuża għal ħżin ġeoloġiku permanenti tad-diossidu tal-karbonju skont id-Direttiva 2009/31/KE u l-faċilitajiet tal-wiċċ u ta’ injezzjoni assoċjati.

(c)

kwalunkwe tagħmir jew installazzjoni essenzjali biex is-sistema inkwistjoni topera b’mod xieraq, b’sigurtà u b’effiċjenza, inklużi s-sistemi ta’ protezzjoni, monitoraġġ u kontroll.


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114.


ANNESS III

LISTI REĠJONALI TA’ PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

1.   REGOLI GĦALL-GRUPPI

(1)

Għall-proġetti relatati mal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tat-TSOs, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-ENTSO tal-Elettriku.

Għall-proġetti relatati mal-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.2, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tat-TSOs, kif ukoll il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-ENTSO tal-Gass.

Għall-proġetti relatati mat-trasport taż-żejt u d-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategoriji msemmija fl-Anness II.3 u 4, kull Grupp għandu jkun magħmul minn rapprezentanti tal-Istati Membri, il-promoturi tal-proġetti kkonċernati minn kull prijorità rilevanti indikata fl-Anness I u l-Kummissjoni.

(2)

Il-korpi deċiżjonali tal-Gruppi jistgħu jingħaqdu bejniethom. Il-Gruppi kollha jew il-korpi deċiżjonali kollha għandhom jiltaqgħu, meta jkun rilevanti, biex jiddiskutu t-temi li jkunu komuni għall-Gruppi kollha; it-tali temi jistgħu jinkludu kwistjonijiet rilevanti għall-konsistenza transreġjonali jew l-għadd ta’ proġetti proposti inklużi fl-abbozzi tal-listi reġjonali li jkunu fil-periklu li se jsiru inkontrollabbli.

(3)

Kull Grupp għandu jorganizza l-ħidma tiegħu f’konformità mal-isforzi għall-kooperazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE, l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, u l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009 u l-istrutturi eżistenti oħra ta’ kooperazzjoni reġjonali.

(4)

Kull Grupp għandu jistieden, kif ikun xieraq bl-għan li tiġi implimentata l-prijorità rilevanti indikata fl-Anness I, il-promoturi ta’ proġett li potenzjalment ikun eliġibbli biex jintgħażel bħala proġett ta’ interess komuni, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, tal-awtoritajiet regolatorji, u TSOs’ mill-pajjiżi kandidati tal-UE u l-pajjiżi li potenzjalment jistgħu jkunu kandidati, il-pajjiżi membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, ir-rappreżentanti minn istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità tal-Enerġija, il-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-pajjiżi li magħhom l-Unjoni tkun stabbilixxiet kooperazzjoni speċifika għall-qasam tal-enerġija. Id-deċiżjoni li jiġu mistiedna rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi għandha tkun ibbażata fuq kunsens.

(5)

Kull Grupp għandu jikkonsulta mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati rilevanti — u, jekk jitqies xieraq, mal-partijiet interessati direttament — inklużi l-produtturi, l-operaturi ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni, il-fornituri, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni ambjentali. Il-Grupp jista’ jorganizza smigħ jew konsultazzjonijiet meta jkun rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(6)

Ir-regoli interni, lista aġġornata tal-organizzazzjonijiet membri, informazzjoni aġġornata regolarment dwar il-progress tal-ħidma, l-aġendi tal-laqgħat, kif ukoll il-konklużjonijiet u d-deċiżjonijiet finali ta’ kull Grupp għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq il-pjattaforma għat-trasparenza msemmija fl-Artikolu 18.

(7)

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-Gruppi għandhom jagħmlu ħilithom biex ikun hemm konsistenza bejn il-Gruppi differenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw, meta jkun rilevanti, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-ħidma kollha li tirrappreżenta interess interreġjonali bejn il-Gruppi kkonċernati.

Il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-Aġenzija fil-Gruppi m’għandhiex tipperikola t-twettiq tal-objettivi u d-dmirijiet tagħhom skont dan ir-Regolament jew skont l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-Artikoli 40 u 41 tad-Direttiva 2009/73/KE, jew skont ir-Regolament (KE) Nru 713/2009.

2.   PROĊESS BIEX JIĠU STABBILITI LISTI REĠJONALI

(1)

Il-promoturi ta’ proġett li jkun potenzjalment eliġibbli biex jintgħażel bħala proġett ta’ interess komuni li jkunu jixtiequ jiksbu l-istatus ta’ proġetti ta’ interess komuni għandhom iressqu applikazzjoni għall-għażla ta’ proġett bħala proġett ta’ interess komuni lill-Grupp li tkun tinkludi:

valutazzjoni tal-proġetti tagħhom fir-rigward tal-kontribut għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Anness I,

analiżi dwar l-issodisfar tal-kriterji rilevanti definiti fl-Artikolu 4,

fir-rigward tal-proġetti li jkun laħqu grad suffiċjenti ta’ maturità, analiżi tal-benefiċċji meta mqabblin mal-ispejjeż speċifika għall-proġett, bi qbil mal-Artikoli 21 u 22 u abbażi tal-metodoloġiji żviluppati mill-ENTSO għall-Elettriku u l-ENTSO għall-Gass skont l-Artikolu 11, u

kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-evalwazzjoni tal-proġett.

(2)

Id-destinatarji kollha għandhom iżommu l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva.

(3)

Wara li tkun ġiet adottata l-ewwel lista tal-Unjoni, fir-rigward tal-listi kollha sussegwenti tal-Unjoni li jiġu adottati, il-proġetti proposti għall-ħżin u t-trasmissjoni tal-elettriku li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a), (b) u (d) għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku, żviluppat mill-ENTSO tal-Elettriku skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

(4)

Wara li tkun ġiet adottata l-ewwel lista tal-Unjoni, fir-rigward tal-listi kollha sussegwenti tal-Unjoni li jiġu adottati, il-proġetti proposti għall-infrastruttura tal-gass li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.2 għandhom ikunu parti mill-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-netwerk tal-gass, żviluppat mill-ENTSO tal-Gass skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009.

(5)

Il-proposti għal proġetti li jitressqu biex jiġu inklużi fl-ewwel lista tal-Unjoni li ma jkunux ġew evalwati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 għandhom jiġu vvalutati fil-livell tas-sistema tat-totalità tal-Unjoni:

mill-ENTSO tal-Elettriku bi qbil mal-metodoloġija applikata fl-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-netwerk fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II.1(a), (b) u (d),

mill-ENTSO tal-Gass jew minn parti terza b’mod konsistenti abbażi ta’ metodoloġija oġġettiva fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II.2.

Sas-16 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni għandha toħroġ Linji Gwida dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-ENTSO tal-Elettriku u l-ENTSO tal-Gass meta jkunu qed jiżviluppaw il-pjanijiet deċennali għall-iżvilupp tan-netwerk rispettivi tagħhom imsemmijin fil-punti (3) u (4) ta’ hawn fuq, sabiex tiżgura t-trattament ugwali u t-trasparenza tal-proċess.

(6)

Il-proġetti proposti għat-trasport tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu fil-kategorija stabbilita fl-Anness II.4 għandhom jiġu ppreżentati bħala parti minn pjan, żviluppat minn tal-anqas żewġ Stati Membri, għall-iżvilupp ta’ infrastruttura għat-trasport u l-ħżin transkonfinali tad-diossidu tal-karbonju, li għandu jiġi ppreżentat mill-Istati Membri kkonċernati jew mill-entitajiet maħtura minn dawk l-Istati Membri lill-Kummissjoni.

(7)

Fir-rigward tal-proġetti proposti li jaqgħu taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1 u 2, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u jekk ikun hemm bżonn l-Aġenzija, għandhom, kull fejn ikun possibbli fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali (l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2009/72/KE, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2009/73/KE), jikkontrollaw li l-kriterji u l-metodoloġija ta’ analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż ikunu qed jiġu applikati b’mod konsistenti u jevalwaw ir-rilevanza transkonfinali tagħhom. Huma għandhom jippreżentaw l-evalwazzjoni tagħhom lill-Grupp.

(8)

Fir-rigward tal-proġetti proposti għat-trasport taż-żejt u tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.3 u 4, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4. Għall-proġetti proposti tad-diossidu tal-karbonju li jaqgħu taħt il-kategorija stabbilita fl-Anness II.4, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-potenzjal għall-estensjoni futura biex tinkludi Stati Membri addizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha lill-Grupp.

(9)

Kull Stat Membru li proġett propost ma jkollux x’jaqsam mat-territorju tiegħu imma li jista’ jkollu impatt pożittiv nett potenzjali jew effett sinifikanti potenzjali fuqu, bħal fuq l-ambjent jew fuq l-operazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija fit-territorju tiegħu, jista’ jippreżenta opinjoni lill-Grupp fejn jispeċifika t-tħassib tiegħu;

(10)

Il-korp deċiżjonali tal-Grupp għandu jeżamina, fuq talba ta’ Stat Membru tal-Grupp, ir-raġunijiet motivati ppreżentati minn Stat Membru skont l-Artikolu 3(3) talli ma jkunx approva proġett ta’ interess komuni relatat mat-territorju tiegħu.

(11)

Il-Grupp għandu jiltaqa’ biex jeżamina u jikklassifika l-proġetti proposti, waqt li jqis l-evalwazzjoni tar-regolaturi, jew l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proġetti għat-trasport taż-żejt u tad-diossidu tal-karbonju.

(12)

L-abbozzi tal-listi reġjonali tal-proġetti proposti li jaqgħu taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1 u 2 imfassla mill-Gruppi, flimkien ma’ kwalunkwe opinjoni kif speċifikat fil-punt (9), għandhom jiġu ppreżentati lill-Aġenzija sitt xhur qabel id-data ta’ adozzjoni tal-lista tal-Unjoni. L-abbozzi tal-listi reġjonali u l-opinjonijiet akkumpanjanti għandhom jiġu evalwati mill-Aġenzija fi żmien tliet xhur mid-data meta tirċevihom. L-Aġenzija għandha tipprovdi opinjoni dwar l-abbozzi tal-listi reġjonali, b’mod partikulari fir-rigward tal-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji u tal-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż bejn reġjun u ieħor. L-opinjoni tal-Aġenzija għandha tiġi adottata bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 713/2009.

(13)

Fi żmien xahar mid-data meta jirċievi l-opinjoni tal-Aġenzija, il-korp deċiżjonali ta’ kull Grupp għandu jadotta l-lista reġjonali finali tiegħu, waqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(3), abbażi tal-proposta tal-Gruppi u waqt li jqis l-opinjoni tal-Aġenzija u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ppreżentati bi qbil mal-punt (7), jew il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-proġetti għat-trasport taż-żejt u tad-diossidu tal-karbonju proposti bi qbil mal-punt (8). Il-Gruppi għandhom jippreżentaw il-listi reġjonali finali lill-Kummissjoni, flimkien ma’ kwalunkwe opinjoni kif speċifikat fil-punt (9).

(14)

Jekk, abbażi tal-listi reġjonali li tirċievi, u wara li tkun qieset l-opinjoni tal-Aġenzija, l-għadd totali ta’ proġetti ta’ interess komuni proposti fuq il-lista tal-Unjoni jkun jaqbeż għadd maniġġabbli, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, wara li tkun ikkonsultat ma’ kull Grupp ikkonċernat, ma tinkludix fil-lista tal-Unjoni dawk il-proġetti li jkunu ġew ikklassifikati fl-iżjed pożizzjonijiet baxxi mill-Grupp ikkonċernat skont il-klassifika stabbilita skont l-Artikolu 4(4).


ANNESS IV

REGOLI U INDIKATURI LI JIKKONĊERNAW IL-KRITERJI TAL-PROĠETTI TA’ INTERESS KOMUNI

(1)

Proġett b’impatt transkonfinali sinifikanti huwa proġett fit-territorju ta’ Stat Membru, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tat-trasmissjoni tal-elettriku, il-proġett iżid il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid, jew il-kapaċità disponibbli għall-flussi kummerċjali, fil-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru ma’ Stat Membru jew diversi Stati Membri, jew fi kwalunkwe sezzjoni trażversali rilevanti oħra tal-istess kuritur ta’ trasmissjoni bl-effett li tiżdied din il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid transkonfinali, b’mill-inqas 500 Megawatt meta mqabbla mas-sitwazzjoni jekk ma jiġix ikkummissjonat il-proġett;

(b)

fir-rigward tal-ħżin tal-elettriku, il-proġett jipprovdi kapaċità installata ta’ mill-inqas 225 MW u jkollu kapaċità ta’ ħżin li tippermetti ġenerazzjoni annwali netta tal-elettriku ta’ mill-inqas 250 GW-h fis-sena;

(c)

fir-rigward tat-trasmissjoni tal-gass, il-proġett jikkonċerna investiment fil-kapaċitajiet ta’ inverżjoni tal-flussi jew jibdel il-kapaċità ta’ trasmissjoni tal-gass bejn il-fruntiera/i tal-Istati Membri kkonċernati b’mill-inqas 10 % meta mqabbla mas-sitwazzjoni qabel ikun ġie kkummissjonat il-proġett;

(d)

fir-rigward tal-ħżin tal-gass jew tal-gass naturali likwifikat/kompressat, il-proġett ikun immirat biex iforni direttament jew indirettament lil mill-inqas żewġ Stati Membri jew biex jissodisfa l-istandard tal-infrastruttura (ir-regola N-1) fil-livell reġjonali bi qbil mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1);

(e)

fir-rigward tal-grids intelliġenti, il-proġett ikun iddisinjat għal tagħmir u installazzjonijiet ta’ vultaġġ għoli u vultaġġ medju ddisinjati għal vultaġġ ta’ 10 kV jew iżjed. Ikun jinvolvi operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni minn mill-inqas żewġ Stati Membri, li jkopru mill-inqas 50 000 utent li jiġġeneraw jew jikkunsmaw l-elettriku jew li jagħmlu t-tnejn li huma f’żona ta’ konsum ta’ mill-inqas 300 GW-h fis-sena, li minnhom mill-inqas 20 % joriġinaw minn riżorsi rinnovabbli li huma ta’ natura varjabbli.

(2)

Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.1(a) sa (d), il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

L-integrazzjoni tas-suq, il-kompetizzjoni u l-flessibbiltà tas-sistema għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan deċennali disponibbli fl-Unjoni kollha għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku, speċjalment billi:

jiġu kkalkolati, fir-rigward ta’ proġetti transkonfinali, l-impatt fuq il-kapaċità tal-grid li tittrasferixxi fluss tal-elettriku fiż-żewġ direzzjonijiet, imkejjel f’termini tal-ammont ta’ enerġija (f’megawatt), u l-kontribut tagħhom sabiex tintlaħaq il-kapaċità interkonnettiva minima ta’ 10 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata jew, fir-rigward tal-proġetti b’impatt transkonfinali sinifikanti, l-impatt fuq il-kapaċità ta’ trasferiment tal-grid fil-fruntieri bejn l-Istati Membri rilevanti, bejn l-Istati Membri rilevanti u pajjiżi terzi jew fi ħdan l-Istati Membri rilevanti u fuq l-ibbilanċjar tad-domanda mal-provvista u l-operazzjonijiet tan-netwerk fl-Istati Membri rilevanti,

jiġi vvalutat l-impatt, għaż-żona ta’ analiżi kif definita fl-Anness V.10, f’termini tal-ispejjeż għall-ġenerazzjoni u t-trasmissjoni fis-sistema kollha tal-enerġija u l-evoluzzjoni u l-konverġenza fil-prezzijiet tas-suq ipprovduti minn proġett f’xenarji differenti ta’ ppjanar, filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-varjazzjonijiet indotti fuq l-ordni ta’ mertu.

(b)

It-trasmissjoni tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli lejn iċ-ċentri ta’ konsum u s-siti ta’ ħżin ewlenin għandha titkejjel f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku disponibbli, speċjalment billi:

fir-rigward tat-trasmissjoni tal-elettriku, jiġi stmat l-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli (skont it-teknoloġija, f’megawatts), li jkun konness u trażmess minħabba l-proġett, meta mqabbel mal-ammont tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni totali ppjanata minn dawn it-tipi ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-2020 skont il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli kif definiti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/28/KE,

fir-rigward tal-ħżin tal-elettriku, tiġi mqabbla l-kapaċità ġdida pprovduta mill-proġett mal-kapaċità totali eżistenti għall-istess teknoloġija ta’ ħżin fiż-żona ta’ analiżi kif definita fl-Anness V.10.

(c)

Is-sigurtà tal-provvista, l-interoperabbiltà u l-operazzjoni tas-sistemi b’sigurtà għandhom jitkejlu f’konformità mal-analiżi li tkun saret fl-aħħar pjan deċennali disponibbli għall-iżvilupp tan-netwerk tal-elettriku, speċjalment billi jiġi vvalutat l-impatt tal-proġett fuq it-telf tal-aspettativa tal-load għaż-żona ta’ analiżi kif definita fl-Anness V.10 f’termini ta’ adegwatezza tal-ġenerazzjoni u t-trasmissjoni għal sett ta’ perjodi ta’ load tipika, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-bidliet mistennija fl-avvenimenti estremi tat-temp relatati mal-klima u l-impatt tagħhom fuq ir-reżiljenza tal-infrastruttura. Fejn ikun applikabbli, għandu jitkejjel l-impatt tal-proġett fuq il-kontroll indipendenti u affidabbli tal-operazzjoni u s-servizzi tas-sistemi.

(3)

Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.2, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

L-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-suq għandhom jitkejlu billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għall-integrazzjoni tal-oqsma tas-suq u l-konverġenza tal-prezzijiet, għall-flessibbiltà globali tas-sistema, inkluż il-livell ta’ kapaċità offrut għal flussi inversi skont diversi xenarji.

(b)

Il-kompetizzjoni għandha titkejjel abbażi tad-diversifikazzjoni, inkluż l-iffaċilitar tal-aċċess għal sorsi indiġeni tal-provvista, waqt li jiġi kkunsidrat suċċessivament: id-diversifikazzjoni tas-sorsi; id-diversifikazzjoni tal-kontropartijiet; id-diversifikazzjoni tar-rotot; l-impatt tal-kapaċità ġdida fuq l-indiċi Herfindahl-Hirschmann (HHI) ikkalkulat fil-livell tal-kapaċità għaż-żona ta’ analiżi kif definita fl-Anness V.10.

(c)

Is-sigurtà tal-provvista tal-gass għandha titkejjel billi jiġi kkalkulat il-valur addizzjonali tal-proġett għar-reżiljenza fil-qasir u fit-tul tas-sistema tal-gass tal-Unjoni u għat-tisħiħ tal-flessibbiltà li s-sistema jkun fadlilha biex tittratta t-tħarbit fil-provvista lill-Istati Membri taħt diversi xenarji, kif ukoll il-kapaċità addizzjonali pprovduta mill-proġett imkejla fil-kuntest tal-istandard tal-infrastruttura (ir-regola N-1) fil-livell reġjonali bi qbil mal-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010.

(d)

Is-sostenibbiltà għandha titkejjel bħala l-kontribut ta’ proġett biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, tiġi appoġġata l-ġenerazzjoni ta’ riżerva tal-elettriku rinnovabbli jew t-trasport tal-gass miksub permezz tal-elettriku u l-bijogass, filwaqt li jiġu kkunsidrati itl-bidliet mistennija fil-kundizzjonijiet klimatiċi.

(4)

Fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu taħt il-kategorija stabbilita fl-Anness II.1(e), kull funzjoni elenkata fl-Artikolu 4 għandha tiġi evalwata fil-konfront tal-kriterji li ġejjin:

(a)   Livell ta’ sostenibbiltà: Dan il-kriterju għandu jitkejjel billi jiġi vvalutat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u l-impatt ambjentali tal-infrastruttura tal-grid tal-elettriku,

(b)   Kapaċità ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni tal-grids għall-konnessjoni u t-trasport tal-elettriku mill-utenti u lejhom: Dan il-kriterji għandu jitkejjel billi tiġi stmata l-kapaċità installata tar-riżorsi tal-enerġija distribwiti fin-netwerks ta’ distribuzzjoni, l-injezzjoni massima permissibbli tal-elettriku mingħajr riskji ta’ konġestjoni f’netwerks ta’ trasmissjoni, u l-enerġija li ma tkunx estratta minn sorsi rinnovabbli minħabba riskji ta’ konġestjoni jew sigurtà,

(c)   Konnettività tan-netwerk u aċċess għall-kategoriji kollha tal-utenti tan-netwerk: Dan il-kriterju għandu jitkejjel billi jiġu vvalutati l-metodi adottati għall-kalkolu tal-imposti u t-tariffi, kif ukoll l-istruttura tagħhom, għal min jiġġenera, min jikkonsma u min jagħmel it-tnejn li huma, u l-flessibbiltà operattiva pprovduta għall-ibbilanċjar dinamiku tal-elettriku fin-netwerk,

(d)   Sigurtà u kwalità tal-provvista: Dan il-kriterju għandu jitkejjel billi jiġi vvalutat il-proporzjon tal-kapaċità ta’ ġenerazzjoni disponibbli b’mod affidabbli mal-quċċata tad-domanda, is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli, l-istabbiltà tas-sistema tal-elettriku, it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-interuzzjonijiet għal kull klijent, inkluż it-taqlib relatat mal-klima, u l-prestazzjoni tal-kwalità tal-vultaġġ,

(e)   Effiċjenza u kwalità tas-servizz fil-provvista tal-elettriku u l-operazzjoni tal-grid: Dan il-kriterju għandu jitkejjel billi jiġi vvalutat il-livell tat-telf fin-netwerks ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni, il-proporzjon bejn id-domanda minima u massima għall-elettriku fuq żmien definit, il-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda fis-swieq tal-elettriku u f’miżuri għal użu effiċjenti tal-enerġija, il-perċentwal ta’ utilizzazzjoni (jiġifieri il-load medju) tal-komponenti tan-netwerk tal-elettriku, id-disponibbiltà tal-komponenti tan-netwerk (marbuta ma’ manutenzjoni ppjanata u mhux ippjanata) u l-impatt tagħha fuq il-prestazzjonijiet tan-netwerk, u d-disponibbiltà reali tal-kapaċità tan-netwerk fir-rigward tal-valur standard tiegħu,

(f)   Kontribuzzjoni għas-swieq transkonfinali tal-elettriku permezz tal-kontroll tal-flussi tal-loads għall-mitigazzjoni tat-trasferimenti f’ċirku u għaż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni: Dan il-kriterju għandu jiġi stmat billi jiġi vvalutat il-proporzjon bejn il-kapaċità ta’ interkonnessjoni ta’ Stat Membru u d-domanda tiegħu għall-elettriku, l-isfruttament tal-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni, u l-kirjiet ta’ konġestjoni fil-livell tal-interkonnessjonijiet.

(5)

Fir-rigward tal-proġetti relatati mat-trasport taż-żejt li jaqgħu taħt il-kategoriji stabbiliti fl-Anness II.3, il-kriterji elenkati fl-Artikolu 4 għandhom jiġu evalwati kif ġej:

(a)

Is-sigurtà tal-provvista taż-żejt għandha titkejjel billi jiġi evalwat il-valur addizzjonali tal-kapaċità ġdida offruta minn proġett għar-reżiljenza fil-qasir u fit-tul tas-sistema u l-flessibbiltà li s-sistema jkun fadlilha biex tittratta t-tħarbit fil-provvista taħt diversi xenarji.

(b)

L-interoperabbiltà għandha titkejjel billi jiġi evalwat sa liema livell il-proġett itejjeb l-operazzjoni tan-netwerk taż-żejt, b’mod partikolari billi jipprovdi l-possibbiltà ta’ flussi inversi.

(c)

L-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi għandu jitkejjel permezz ta’ valutazzjoni ta’ kemm jagħmel użu il-proġett minn infrastruttura diġà eżistenti u kemm jikkontribwixxi għall-minimizzazzjoni tal-piż u r-riskji relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.


(1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.


ANNESS V

ANALIŻI TAL-BENEFIĊĊJI U L-ISPEJJEŻ TAS-SISTEMA TAL-ENERĠIJA KOLLHA

Il-metodoloġija għal analiżi armonizzata tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija kollha fir-rigward tal-proġetti ta’ interess komuni għandha tissodisfa l-prinċipji li ġejjin stabbiliti f’dan l-Anness.

(1)

Il-metodoloġija għandha tkun ibbażata fuq sett komuni ta’ data ta’ input li jirrapreżenta s-sistemi tal-elettriku u l-gass tal-Unjoni fis-snin n+5, n+10, n+15, u n+20, fejn n hija s-sena meta titwettaq l-analiżi. Dan is-sett ta’ data għandu jkun fih mill-inqas:

(a)   fir-rigward tal-elettriku: xenarji li jikkonċernaw id-domanda, il-kapaċitiajiet ta’ ġenerazzjoni skont it-tip ta’ fjuwil (bijomassa, enerġija ġeotermali, enerġija idroelettrika, gass, nukleari, żejt, fjuwil solidu, enerġija eolika, enerġija solari fotovoltaika, enerġija solari kkonċentrata, teknoloġiji rinnovabbli oħra) u l-lokazzjoni ġeografika tagħhom, il-prezzijiet tal-fjuwil (inklużi l-bijomassa, il-faħam, il-gass u ż-żejt), il-prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, il-kompożizzjoni tat-trasmissjoni u, jekk ikun rilevanti, in-netwerk ta’ distribuzzjoni u l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda sinifikanti kollha ta’ ġenerazzjoni (inkluża l-kapaċità mgħammra għall-qbid tad-diossidu tal-karbonju), ta’ ħżin u ta’ trasmissjoni li għalihom tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-investiment finali u li jkunu waslu biex jiġu kkummissjonati sal-aħħar tas-sena n+5;

(b)   fir-rigward tal-gass: xenarji li jikkonċernaw id-domanda, l-importazzjonijiet, il-prezzijiet tal-fjuwil (inklużi l-faħam, il-gass u ż-żejt), il-prezzijiet tad-diossidu tal-karbonju, il-kompożizzjoni tan-netwerk ta’ trasmissjoni u l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-proġetti ġodda kollha li għalihom tkun ittieħdet deċiżjoni dwar l-investiment finali u li jkunu waslu biex jiġu kkummissjonati sal-aħħar tas-sena n+5.

(2)

Is-sett tad-data għandu jirrifletti l-liġi tal-Unjoni u l-leġislazzjonileġislazzjonijiet nazzjonali fis-seħħ dakinhar tal-analiżi. Is-settijiet tad-data li jintużaw fir-rigward tal-elettriku u l-gass rispettivament għandhom ikunu kompatibbli, speċjalment fir-rigward tal-preżunzjonijiet dwar il-prezzijiet u l-volumi f’kull suq. Is-sett tad-data għandu jiġi elaborat wara li jkunu ġew ikkonsultati formalment l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom jiżguraw l-aċċess għad-data kummerċjali rikjesta mingħand partijiet terzi meta jkun applikabbli.

(3)

Il-metodoloġija għandha tagħti gwida għall-iżvilupp u l-użu tal-immudellar tan-netwerk u tas-suq meħtieġ għall-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż.

(4)

L-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni armonizzata tal-benefiċċji u l-ispejjeż għall-kategoriji differenti tal-proġetti analizzati, u għandha tkopri mill-inqas il-perijodu ta’ żmien imsemmi fil-punt (1).

(5)

L-analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż għandha mill-inqas tikkunsidra l-ispejjeż li ġejjin: in-nefqa ta’ kapital, in-nefqa għall-operazzjoni u l-manutenzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett u l-ispejjeż għad-dekummissjonament u l-ġestjoni tal-iskart, fejn ikun rilevanti. Il-metodoloġija għandha tagħti gwida fuq ir-rati ta’ skont li għandhom jintużaw għall-kalkoli.

(6)

Fir-rigward tat-trasmissjoni u l-ħżin tal-elettriku, l-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż għandha tal-anqas tikkunsidra l-impatt u l-kumpensi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009, l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness IV, u dawn l-impatti li ġejjin:

(a)

l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u telf ta’ trasmissjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett;

(b)

l-ispejjeż futuri għal investiment ġdid fil-ġenerazzjoni u t-trasmissjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja tekniku tal-proġett;

(c)

il-flessibbiltà operattiva, inkluża l-ottimizzazzjoni tas-servizzi li jirregolaw l-enerġija u s-servizzi anċillari;

(d)

ir-reżiljenza tas-sistema, li tinkludi r-reżiljenza għad-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment fir-rigward tal-infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti fid-Direttiva 2008/114/KE.

(7)

Fir-rigward tal-gass, l-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż għandha mill-inqas tikkunsidra r-riżultati tal-ittestjar tas-suq, l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness IV u l-impatti li ġejjin:

(a)

Ir-reżiljenza għad-diżastri u l-klima, u s-sigurtà tas-sistema, speċjalment għall-infrastrutturi kritiċi Ewropej kif definiti fid-Direttiva 2008/114/KE;

(b)

Il-konġestjoni fin-netwerk tal-gass.

(8)

Fir-rigward tal-grids intelliġenti, l-analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż għandha tikkunsidra l-impatti fuq l-indikaturi definiti fl-Anness IV.

(9)

Il-metodu dettaljat użat biex jiġu kkunsidrati l-indikaturi msemmija fil-punti 6 sa 8 għandu jiġi elaborat wara li jkunu ġew formalment ikkonsultati l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw il-partijiet interessati rilevanti kollha.

(10)

Il-metodoloġija għandha tiddefinixxi l-analiżi li għandha titwettaq, abbażi tas-sett ta’ data ta’ input rilevanti, billi tidentifika l-impatti għal kull proġett jekk isir u jekk ma jsirx. Iż-żona ta’ analiżi ta’ proġett individwali għandha tkopri l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kollha li l-proġett ikun se jinbena fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri kollha li jkunu ġirien diretti u l-Istati Membri l-oħra kollha li l-proġett se jkollu impatt sinifikanti fuqhom.

(11)

L-analiżi għandha tidentifika l-Istati Membri li fihom il-proġett ikollu impatti netti pożittivi (il-benefiċjarji) u dawk l-Istati Membri li fihom il-proġett ikollu impatt nett negattiv (dawk li jġarrbu l-ispejjeż). Kull analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla l-ispejjeż għandha tinkludi analiżijiet ta’ sensittività dwar is-sett ta’ data ta’ input, id-data meta jkunu ġew ikkummissjonati proġetti differenti fl-istess żona ta’ analiżi u parametri rilevanti oħra.

(12)

L-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni, ta’ sistemi ta’ ħżin u ta’ terminali ta’ gass naturali kkumpressat u likwifikat u ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni għandhom jiskambjaw l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi elaborata l-metodoloġija, inkluż l-immudellar rilevanti tan-netwerk u s-suq. Kull operatur ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni li jiġbor informazzjoni f’isem operaturi oħra ta’ sistema ta’ trasmissjoni jew distribuzzjoni għandu jirritorna r-riżultati tal-ġbir tad-data lill-operaturi tas-sistemi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni parteċipanti.

(13)

Fir-rigward tal-mudell komuni għas-suq u għan-netwerk tal-elettriku u tal-gass stipulat fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 11, is-sett ta’ data ta’ input msemmi fil-punt 1 għandu jkopri s-snin n+10, n+20 u n+30, u l-mudell għandu jippermetti li ssir valutazzjoni sħiħa tal-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, b’mod partikolari bl-inklużjoni tal-ispejjeż esterni bħal dawk relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-emissjonijiet ta’ sustanzi konvenzjonali li jniġġsu l-arja jew is-sigurtà tal-provvista.


ANNESS VI

LINJI GWIDA DWAR IT-TRASPARENZA U L-PARTEĊIPAZZJONI TAL-PUBBLIKU

(1)

Il-manwal tal-proċeduri msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu mill-inqas jispeċifika:

(a)

il-liġi rilevanti li fuqha jkunu bbażati d-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet għat-tipi differenti ta’ proġetti ta’ interess komuni rilevanti, inkluża l-liġi ambjentali;

(b)

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet rilevanti li għandhom jinkisbu;

(c)

l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Kompetenti, l-awtoritajiet l-oħra u l-partijiet interessati ewlenin ikkonċernati;

(d)

il-fluss tax-xogħol, b’deskrizzjoni ta’ kull stadju fil-proċess, inkluż kalendarju indikattiv u ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-proċess deċiżjonali;

(e)

informazzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni, l-istruttura u l-livell ta’ dettall tad-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati flimien mal-applikazzjoni għal deċiżjonijiet, inkluża lista ta’ verifika;

(f)

l-istadji u l-mezzi biex il-pubbliku ġenerali jipparteċipa fil-proċess.

(2)

L-iskeda dettaljata msemmija fl-Artikolu 10(4)(b) għandha tispeċifika tal-anqas dan li ġej:

(a)

id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet li għandhom jinkisbu;

(b)

l-awtoritajiet, il-partijiet interessati, u l-pubbliku li x’aktarx ikunu kkonċernati;

(c)

l-istadji individwali tal-proċedura u t-tul tagħhom;

(d)

it-tragwardi ewlenin li għandhom jintlaħqu u l-iskadenzi tagħhom fid-dawl tad-deċiżjoni komprensiva li għandha tittieħed;

(e)

ir-riżorsi ppjanati mill-awtoritajiet u l-ħtiġijiet possibbli għal riżorsi addizzjonali.

(3)

Biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tal-għoti tal-permessi u biex jiġu żgurati minn qabel it-tgħarrif u d-djalogu mal-pubbliku, għandhom jiġu applikati l-prinċipji li ġejjin:

(a)

Il-partijiet interessati milquta minn proġett ta’ interess komuni, inklużi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti, is-sidien ta’ artijiet u ċ-ċittadini li jgħixu fl-inħawi tal-proġett, il-pubbliku ġenerali u l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom, għandhom jiġu informati u kkonsultati b’mod estensiv fi stadju bikri, meta jkun għadu jista’ jitqies it-tħassib potenzjali tal-pubbliku u b’mod miftuħ u trasparenti. Fejn ikun rilevanti, l-awtorità kompetenti għandha tappoġġa b’mod attiv l-attivitajiet imwettqa mill-promotur tal-proġett.

(b)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika għall-proġetti ta’ interess komuni jiġu raggruppati flimkien fejn ikun possibbli. Kull konsultazzjoni pubblika għandha tkopri s-suġġetti kollha rilevanti għall-istadju partikolari tal-proċedura, u suġġett partikolari wieħed rilevanti għal dak l-istadju partikolari tal-proċedura m’għandux jiġi indirizzat f’iżjed minn konsultazzjoni pubblika waħda; madankollu, tista’ ssir konsultazzjoni pubblika waħda f’aktar minn post ġeografiku wieħed. Is-suġġetti indirizzati f’konsultazzjoni pubblika għandhom jiġu indikati b’mod ċar fin-notifika tal-konsultazzjoni pubblika.

(c)

Il-kummenti u l-oġġezzjonijiet għandhom ikunu ammissibbli mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika sad-data tal-iskadenza biss.

(4)

Il-kunċett ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku għandu mill-inqas jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

il-partijiet interessati kkonċernati u indirizzati;

(b)

il-miżuri previsti, inklużi l-indikazzjonijiet ġenerali għall-postijiet u d-dati proposti għal-laqgħat iddedikati;

(c)

il-kalendarju;

(d)

ir-riżorsi umani allokati għall-kompiti rispettivi.

(5)

Fil-kuntest tal-konsultazzjoni pubblika li għandha titwettaq qabel ma jiġi ppreżentat il-fajl ta’ applikazzjoni, il-partijiet rilevanti għandhom mill-inqas:

(a)

jippubblikaw fuljett ta’ informazzjoni ta’ mhux iżjed minn 15-il paġna, li jagħti ħarsa ġenerali, b’mod ċar u konċiż, lejn l-iskop u l-kalendarju preliminari tal-proġett, il-pjan ta’ żvilupp tal-grid nazzjonali, ir-rotot alternattivi kkunsidrati, l-impatti mistennija, inklużi dawk ta’ natura transkonfinali, u l-miżuri ta’ mitigazzjoni possibbli, li għandu jiġi ppubblikat qabel ma tibda l-konsultazzjoni; il-fuljett ta’ informazzjoni għandu barra minn hekk jelenka l-indrizzi fuq l-internet tal-pjattaforma għat-trasparenza msemmija fl-Artikolu 18 u tal-manwal tal-proċeduri msemmi fil-punt (1);

(b)

jinfurmaw lill-partijiet interessati kollha milquta dwar il-proġett permezz tas-sit elettroniku msemmi fl-Artikolu 9(7) u permezz ta’ mezzi oħra ta’ informazzjoni xierqa;

(c)

jistiednu, bil-miktub, lill-partijiet interessati milquta għal laqgħat iddedikati, li fihom għandu jiġi diskuss it-tħassib tagħhom.

(6)

Is-sit elettroniku tal-proġett għandu jagħmel disponibbli bħala minimu dawn li ġejjin:

(a)

il-fuljett ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (5);

(b)

sommarju mhux tekniku li jiġi aġġornat regolarment ta’ mhux iżjed minn 50 paġna li jirrifletti l-istatus attwali tal-proġett u jindika b’mod ċar, fil-każ ta’ aġġornamenti, il-bidliet fil-verżjonijiet preċedenti;

(c)

l-ippjanar tal-proġett u tal-konsultazzjoni pubblika, b’indikazzjoni ċara tad-dati u l-postijiet tal-konsultazzjonijiet u s-smigħ pubbliċi u t-temi previsti rilevanti għal dak is-smigħ;

(d)

id-dettalji ta’ kuntatt fejn jista’ jinkiseb is-sett sħiħ tad-dokumenti tal-applikazzjoni;

(e)

id-dettalji ta’ kuntatt fejn jistgħu jiġu trażmessi kummenti u oġġezzjonijiet waqt il-konsultazzjonijiet pubbliċi.


Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-proġetti ta’ interess komuni għal għajnuna finanzjarja tal-UE fil-kuntest tal-infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija (Kapitolu V tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1))

Il-Kummissjoni tissottolinja li hija tqis importanti li l-appoġġ mill-UE u sorsi nazzjonali jestendi għal għotjiet għal xogħlijiet biex tkun tista’ titwettaq l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni li jsaħħu d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-enerġija, ir-rotot u l-kontropartijiet. Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tagħmel proposti f’din id-direzzjoni abbażi tal-esperjenza miksuba mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ interess komuni fil-kuntest tar-rapport previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar linji gwida infrastrutturi trans-Ewropej tal-enerġija.


(1)  Ara paġna 39 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.